ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 184

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
25 ta' Mejju 2023


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-577 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.3.2023–23.3.2023

2023/C 184/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Magħqudin għad-Demokrazija

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-577 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.3.2023–23.3.2023

2023/C 184/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE 2022–2027 (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

5

2023/C 184/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Żvediża)

13

2023/C 184/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Kostruzzjoni bl-injam għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tal-bini (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Żvediża)

18


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-577 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.3.2023–23.3.2023

2023/C 184/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (Att dwar Ewropa Interoperabbli)(COM(2022) 720 final — 2022/0379 (COD)) u dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn Ewropa Interoperabbli(COM(2022) 710 final)

28

2023/C 184/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza(COM(2022)702 final — 2022/0408 (COD))

34

2023/C 184/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002(COM(2022) 666 final — 2022/0391 (COD)) u dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tad-disinji (riformulazzjoni)(COM(2022) 667 final — 2022/0392 (COD))

39

2023/C 184/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 — Il-ġemellaġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali f’kuntest ġeopolitiku ġdid(COM(2022) 289 final)

45

2023/C 184/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Mogħdija lejn sistema tal-ikklerjar tal-UE aktar b’saħħitha(COM(2022) 696 final) u dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2017/1131 fir-rigward ta’ miżuri sabiex jittaffew l-iskoperturi eċċessivi għal kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi u tittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tal-ikklerjar tal-Unjoni(COM(2022) 697 final — 2022/0403 (COD))

49

2023/C 184/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni(COM(2022) 707 final — 2022/0413 (CNS))

55

2023/C 184/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Direttiva dwar il-pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni(COM(2022) 249 — final). dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni mal-oqsma ta’ kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(COM(2022) 247 — final), u dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni(COM(2022) 684 — final)

59

2023/C 184/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva(COM(2022) 490 final — 2022/0299 (NLE))

64

2023/C 184/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li tħassar l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE(COM(2022) 688 final — 2022/0400 (COD)) u dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li tħassar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE(COM(2022) 689 final — 2022/0401 (APP))

71

2023/C 184/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi(COM(2022) 581 final)

78

2023/C 184/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju(COM(2022) 672 final — 2022/0394 (COD))

83

2023/C 184/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 (skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)(COM(2022) 547 final)

88

2023/C 184/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija — Pjan ta’ azzjoni tal-UE(COM (2022) 552 final)

93

2023/C 184/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu u d-diisoċjanati(COM(2023) 71 final — 2023/0033 (COD))

101

2023/C 184/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)(COM(2023 63 final — 2022/025 (COD))

102

2023/C 184/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE biex tagħmel is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni aktar attraenti għall-kumpaniji u biex tiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li tħassar id-Direttiva 2001/34/KE(COM(2022) 760 final — 2022/0405 (COD)), dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strutturi ta’ ishma b’vot multiplu f’kumpaniji li jfittxu l-ammissjoni għan-negozjar tal-ishma tagħhom f’suq tat-tkabbir tal-SMEs(COM(2022) 761 final — 2022/0406 (COD)), u dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1129, (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 sabiex is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u medji(COM(2022) 762 final — 2022/0411 (COD))

103

2023/C 184/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti[COM(2022) 590 final]

109


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-577 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.3.2023–23.3.2023

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Magħqudin għad-Demokrazija”

(2023/C 184/01)

Relaturi:

Stefano MALLIA (MT-I)

Oliver RÖPKE (AT-II)

Séamus BOLAND (IE-III)

Bażi legali

Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

Adozzjoni fil-plenarja

23.3.2023

Sessjoni Plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

181/0/5

L-irkupru wara l-pandemija, il-valuri demokratiċi, l-ispazju ċiviku, il-libertà tal-midja, id-diversità u d-demokrazija liberali huma kollha taħt pressjoni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri tal-UE, u dawn iddeterjoraw mill-bidu tal-gwerra fuq art Ewropea: inqas minn 50 % tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix f’sistema demokratika.

Hekk kif id-dinja qed tkompli tixhed il-gwerra atroċi fl-Ukrajna u l-konsegwenzi umanitarji, soċjali u ekonomiċi devastanti tagħha, il-KESE qed iniedi sejħa biex jissaħħu d-demokrazija u l-valuri demokratiċi.

Il-mobilizzazzjoni straordinarja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE li joffru assistenza umanitarja, loġistika u medika lill-poplu Ukren uriet ukoll l-importanza ta’ soċjetà ċivili konnessa tajjeb, effiċjenti u vibranti. Lil hinn mill-Ukrajna, qed naraw ukoll movimenti fil-livell lokali li qed jiġġieldu għad-demokrazija fl-Iran, il-Belarussja u l-Moldova. It-tisħiħ tagħhom isaħħaħ id-demokraziji.

Issa huwa aktar importanti minn qatt qabel li ninvestu biex id-demokraziji jsiru aktar reżiljenti u aktar kapaċi jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tagħna, nibnu paċi u stabbiltà fit-tul u fl-aħħar mill-aħħar inwasslu l-prosperità għal kulħadd.

M’hemmx dubju li għandna nimpenjaw ruħna f’riflessjoni konġunta dwar approċċi ġodda għat-tisħiħ tal-istrutturi għad-demokrazija parteċipattiva. Soċjetà ċivili b’saħħitha, indipendenti u diversa hija aktar importanti minn qatt qabel bħala ingredjent ewlieni biex jiġu żgurati ċittadinanza attiva u demokrazija reżiljenti li tista’ tissalvagwardja l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, il-libertà tal-espressjoni u l-integrità tal-istil ta’ ħajja demokratiku tagħna. Id-demokrazija fl-UE hija intrinsikament u irrevokabbilment marbuta mal-kunċetti tal-ugwaljanza, il-ġustizzja, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE.

Fi żminijiet ta’ bidla u sfidi kumplessi, id-demokrazija deliberattiva/parteċipattiva tista’ tkun parti minn stampa akbar tal-bidla sistemika li hija meħtieġa. Hemm ħafna eżempji li, jekk jiġu implimentati b’mod effettiv, jistgħu jippermettu lil dawk li jfasslu l-politika jieħdu deċiżjonijiet ibsin dwar il-problemi l-aktar diffiċli tal-politika pubblika u jsaħħu l-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-gvern. Il-prerekwiżit huwa li jiġi ggarantit li din tqis id-diversità tal-fehmiet u d-dritt li dawn jiġu espressi liberament. Madankollu, id-demokrazija parteċipattiva mhijiex rimedju għal kollox. Is-soċjetajiet demokratiċi jiffaċċjaw firxa wiesgħa ta’ sfidi, li jeħtieġu metodi differenti ta’ parteċipazzjoni. Il-governanza demokratika għalhekk teħtieġ l-użu ta’ mekkaniżmi differenti għal skopijiet differenti, biex jittieħed vantaġġ mis-saħħiet u d-dgħufijiet tagħhom.

Irridu nfittxu b’mod kollettiv bilanċ ġdid bejn id-demokrazija rappreżentattiva, id-demokrazija parteċipattiva, u d-demokrazija diretta.

Il-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa dwar id-demokrazija Ewropea tad-9 ta’ Mejju 2022, speċifikament il-proposti 36 u 39, jistabbilixxu l-objettivi li tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jissaħħu l-istrutturi għad-demokrazija parteċipattiva u l-azzjonijiet deliberattivi. Fid-dawl tar-riżultati tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u r-rwol importanti li diġà għandu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-KESE jixtieq jiddeskrivi diversi għażliet li jistgħu jipprovdu pjan iddettaljat għal riformi istituzzjonali biex jaqdu bl-aħjar mod l-għanijiet tal-KESE.

F’dan l-isfond, u abbażi tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2023, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE):

1.

jappella għall-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 11 tat-TUE, inkluża strateġija Ewropea għas-soċjetà ċivili u Statut Ewropew tal-Assoċjazzjonijiet biex jiġu konnessi elementi kostitwenti differenti għal spazju verament inklużiv u li jagħti s-setgħa, sabiex jiġġedded l-involviment u jiġi implimentat djalogu ċivili strutturat fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż billi s-soċjetà ċivili organizzata tiġi mistiedna, b’mod partikolari, għal Summits Soċjali u konferenzi ta’ livell għoli. Jekk is-settur tas-soċjetà ċivili jrid ikollu involviment aktar sinifikanti u wiesa’, ir-riżorsi huma importanti wkoll. Huma meħtieġa opportunitajiet ta’ finanzjament aħjar u oqfsa ta’ politika ġusti u trasparenti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża l-protezzjoni transfruntiera, biex jibnu l-kapaċità u r-reżiljenza għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-ekonomija soċjali u s-settur tal-volontarjat, kif ukoll l-aċċess għal riżorsi flessibbli u sostenibbli, kemm jekk privati kif ukoll jekk pubbliċi;

2.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-imsieħba soċjali fl-appoġġ għad-demokrazija deliberattiva, li tikkomplementa d-demokrazija rappreżentattiva, biex jissaħħaħ aktar id-djalogu ċivili fl-Istati Membri kollha u fil-livell tal-UE. Is-saħħa u s-setgħa tad-demokraziji Ewropej huma bbażati fuq kooperazzjoni solida u fuq skala wiesgħa bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, li għandha tgħin biex tinbena l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, peress li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti huma “gwardjani tal-ġid komuni”, bi rwol ċentrali fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet sostenibbli, il-promozzjoni ta’ innovazzjonijiet soċjetali u l-bini ta’ fiduċja reċiproka fi ħdan is-soċjetajiet. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jgħinu wkoll biex jiġu identifikati l-proċessi, jipprovdu għarfien espert biex tiżdied id-diversità tad-dibattiti, u jiffaċilitaw id-demokrazija parteċipattiva kif stabbilit fit-Trattati;

3.

jappella għal approċċ olistiku u kooperattiv dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu ffaċċjati l-isfidi attwali. Politika Ewropea għall-ħiliet għandha titfassal flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, li għandhom kapital politiku, għarfien konkret u fehim tal-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet attwali; f’dal-kuntest jitlob li l-2025 tiġi ddeżinjata bħala s-Sena Ewropea tal-Voluntieri, peress li s-settur għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ħiliet informali

4.

jenfasizza li l-kompetenzi trasversali huma s-sinsla vera ta’ demokrazija parteċipattiva u deliberattiva: il-kooperazzjoni, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ġestjoni demokratika u kollettiva, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-edukazzjoni ċivika u l-litteriżmu medjatiku. Dawn il-kompetenzi huma ċentrali għall-ġlieda kontra x-xejriet antidemokratiċi, għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej u biex jingħelbu d-distakki soċjoekonomiċi u politiċi attwali u, fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jingħataw is-setgħa li jfasslu politiki b’mod konġunt permezz ta’ mezzi konsultattivi jew parteċipattivi biex jinkisbu r-responsabbiltà, it-trasparenza u ċ-ċittadinanza attiva;

5.

huwa impenjat li jgħin fl-iżvilupp ulterjuri ta’ għodod biex tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva u deliberattiva, bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u l-Konsultazzjonijiet Pubbliċi Online tal-UE, li jeħtieġ li jkunu kompletament aċċessibbli u kkomunikati lill-pubbliku ġenerali;

6.

jenfasizza l-importanza tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 u tar-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-votanti u s-sentiment pro-Ewropew, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-astensjoni u d-diżinformazzjoni. Il-KESE jistieden lill-familji politiċi Ewropej biex jenfasizzaw, fil-manifesti elettorali tagħhom, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ tal-ħajja demokratika;

7.

itenni r-rieda tiegħu, flimkien ma’ organizzazzjonijiet usa’ tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, li jaġixxi bħala medjatur biex jiddibatti l-proġett Ewropew maċ-ċittadini, li jmur lil hinn minn dawk li diġà huma konvinti, u li jilħaqhom fil-komunitajiet, it-territorji, il-bliet u l-irħula tagħhom. Għalhekk huwa vitali li jinħolqu l-possibbiltajiet għall-parteċipazzjoni f’dibattiti pubbliċi u li titrawwem kultura ta’ parteċipazzjoni fil-livelli kollha;

8.

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi, fl-organizzazzjoni tagħha, għal persuni ta’ kuntatt responsabbli għad-djalogu ċivili. Għandha taħdem ukoll mal-Istati Membri biex issaħħaħ l-istrutturi tad-djalogu ċivili u tappoġġja l-ħolqien tagħhom fejn għadhom ma jeżistux, billi jiġu sfruttati l-fondi Ewropej. Din l-inizjattiva tissensibilizza u ttejjeb il-kwalità tad-djalogu ċivili, u b’hekk tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jifhmu aħjar il-benefiċċji li djalogu ċivili li jiffunzjona tajjeb jista’ jġib għat-tfassil tal-politika. Barra minn hekk, id-djalogu ċivili jissaħħaħ permezz ta’ attivitajiet ta’ riċerka u monitoraġġ, li jwasslu għall-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

9.

jenfasizza f’dan ir-rigward li l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huwa partikolarment importanti fil-mobilizzazzjoni tal-votanti li qed jivvutaw għall-ewwel darba u tal-votanti żgħażagħ. Sabiex tinkiseb rappreżentanza sħiħa, huwa meħtieġ li jiġu appoġġjati soluzzjonijiet li jippermettu involviment wiesa’ u jrawmu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet f’dan ir-rigward. Jeħtieġ li jintlaħqu dawk li huma l-aktar ’il bogħod miċ-ċentri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li jsiru diskussjonijiet magħhom. Parteċipazzjoni akbar fil-livell lokali tidher li hija neċessità;

10.

barra minn hekk, jistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jemendaw l-Att Elettorali tal-1976 bħala kwistjoni ta’ urġenza, biex jiċċaraw il-prinċipji tal-universalità, tad-direttezza u tas-segretezza tal-elezzjonijiet. Dan jippermetti l-implimentazzjoni ta’ standards fl-UE kollha, u b’hekk jiggarantixxi d-drittijiet tal-vot għall-persuni b’diżabilità.

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn fuq u tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-KESE:

11.

iqis il-Protokoll iffirmat reċentement dwar il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea (27 ta’ Ottubru 2022) bħala impenn politiku mġedded biex jikkontribwixxi għall-aġenda politika Ewropea u għall-għan, l-objettivi (1) u l-aspirazzjonijiet ewlenin tal-Ewropa, jiġifieri l-kisba ta’ Unjoni Ewropea li tkun kompetittiva, ekonomikament prospera, soċjalment inklużiva u ambjentalment sostenibbli, u fl-istess ħin jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku jkunu soċjalment ekwi u ġusti, u li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-Deċennju Diġitali tal-2030 jirnexxu għall-Ewropej kollha. L-Unjoni Ewropea trid tkun iggwidata wkoll mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u minn Aġenda tal-Kompetittività, il-pjani direzzjonali politiċi li jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura;

12.

jinsab lest – u, issa aktar minn qatt qabel, għandu l-leġittimità – li jaġixxi bħala ċentru ewlieni għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi panels futuri taċ-ċittadini. Ir-rwol ta’ ċentru bħal dan ikun li jimmultiplika l-effett tal-konsultazzjonijiet taċ-ċittadini li għaddejjin bħalissa, organizzati mill-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra, kif ukoll li jiġbor b’mod sistematiku feedback mis-soċjetà ċivili organizzata Ewropea dwar il-prijoritajiet u l-politiki ewlenin kollha tal-aġenda politika Ewropea. Dan se jgħin biex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-proġett tal-UE u fl-istituzzjonijiet tagħha billi jagħti liċ-ċittadini rwol effettiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi. Il-KESE jkun ospitant biex jiggwida, jissorvelja, ifassal, jorganizza, imexxi, u jiffaċilita l-proċessi deliberattivi bl-għajnuna ta’ esperti esterni u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Din l-offerta tibni, b’mod partikolari, fuq ir-rapport finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tad-9 ta’ Mejju 2022 li jitlob b’mod espliċitu li “jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tal-Kumitat u jingħata s-setgħa bħala faċilitatur u garanti ta’ attivitajiet ta’ demokrazija parteċipattiva bħad-djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-panels taċ-ċittadini”. F’dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja tal-KESE u l-Opinjonijiet esploratorji tiegħu mitlubin mill-Kummissjoni għandhom jiġu riveduti permezz ta’ evalwazzjonijiet tal-politiki tal-UE, fejn rilevanti;

13.

huwa tal-fehma li l-panels taċ-ċittadini u l-konsultazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jiffukaw fuq it-tfassil tal-aġenda, bħat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, jew jistgħu jkunu marbuta maċ-ċiklu tal-ħajja tal-prijoritajiet leġiżlattivi ewlenin. Il-kontribut taċ-ċittadini jista’ jkun l-aktar utli fil-fażi preleġiżlattiva, biex jiġi deliberat u jsiru rakkomandazzjonijiet qabel ċerti proposti (leġiżlattivi) ewlenin. Għal dan l-għan, jistgħu jsiru konsultazzjonijiet mal-panels taċ-ċittadini u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili abbażi ta’ pjan direzzjonali u skeda ta’ żmien annwali, stabbiliti mill-KESE f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej. Dan jista’ jinkludi talbiet speċifiċi mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-KESE nnifsu fuq inizjattiva tiegħu stess, jew fuq l-inizjattiva tal-organizzazzjoni msieħba tiegħu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

14.

itenni li ċ-ċiklu ta’ attività jista’ jibda bid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni u d-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, bi tħejjija għall-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-sena ta’ wara. Il-konsultazzjonijiet isiru matul l-ewwel nofs tas-sena ta’ wara;

15.

bħala komplement għall-għodod biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, se jkompli jipproponi lil istituzzjonijiet oħra tal-UE l-istabbiliment ta’ Forum annwali tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt. Dan il-Forum se jtejjeb il-monitoraġġ billi jippermetti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jirċievu twissija bikrija mis-soċjetà ċivili organizzata u mill-organizzazzjonijiet lokali mill-Istati Membri kollha tal-UE, fir-rigward tal-applikazzjoni sħiħa u trasparenti tal-Artikolu 2 tat-TUE. Barra minn hekk, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi kapitolu dwar is-soċjetà ċivili fir-reviżjoni li jmiss tal-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea. Il-KESE se jaqdi wkoll rwol importanti fil-monitoraġġ tal-proċessi ta’ adeżjoni tal-pajjiżi kandidati u jiffaċilita diskussjoni sinifikanti mal-partijiet involuti biex jiġi żgurat li l-valuri Ewropej jiġu rispettati, inklużi dawk li jaffettwaw il-minoranzi nazzjonali u etniċi;

16.

se jniedi Ġimgħa Ewropea tas-Soċjetà Ċivili, biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala d-Dar tas-Soċjetà Ċivili Ewropea u jwessa’ l-firxa tal-inizjattivi ewlenin tiegħu, bħall-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili, Jum l-IĊE, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek u l-Premju għas-Soċjetà Ċivili. Din l-inizjattiva se tlaqqa’ flimkien atturi ewlenin fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u nazzjonali, u tipprovdi forum għal djalogu dwar kwistjonijiet li huma ta’ tħassib għall-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew. Il-KESE se jfittex li jsaħħaħ l-attività fil-livell lokali sabiex jilħaq kemm jista’ jkun lil dawk li għandhom opportunitajiet limitati biex jieħdu sehem f’dibattiti dwar kwistjonijiet Ewropej u biex jiżgura li l-vuċijiet tagħhom jitqiesu fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-577 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.3.2023–23.3.2023

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/5


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE 2022–2027”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 184/02)

Relatur:

Michael McLOUGHLIN

Korelatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.9.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adozzjoni fis-sezzjoni

6.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Filwaqt li jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrimarka li jista’ jkun hemm sfidi fl-implimentazzjoni u t-twettiq, li se jeħtieġu monitoraġġ u sorveljanza. Il-KESE jesprimi x-xewqa li jkun involut b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-għarfien espert u l-esperjenza tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-UE, u madwar id-dinja, huma riżorsa kbira fit-twettiq tal-pjan, kemm għall-Kummissjoni Ewropea kif ukoll għad-delegazzjonijiet tal-UE. Huwa jqis ukoll li l-persunal kollu tal-UE li jaħdem maż-żgħażagħ għandu jiġi pprovdut b’taħriġ bażiku dwar kwistjonijiet bħal spazji adattati għaż-żgħażagħ, ħiliet ta’ konsultazzjoni, u metodi ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

1.3.

Il-KESE jixtieq li waqt l-implimentazzjoni tingħata attenzjoni kontinwa liż-żgħażagħ l-aktar emarġinati, inklużi ż-żagħżagħ b’diżabbiltà, u li l-ħidma kollha ta’ tmexxija tiġi kkomplementata b’enfasi ugwali fuq l-appoġġ popolari għaż-żgħażagħ fil-komunitajiet lokali. Il-proċessi ta’ tmexxija u ta’ parteċipazzjoni għandhom ikunu mfassla biex jiżguraw bażi ta’ appoġġ popolari u proċessi minn isfel għal fuq sabiex jipproduċu mexxejja b’saqajhom mal-art.

1.4.

Il-KESE jenfasizza li l-ġbir u l-monitoraġġ tad-data huma sfida ewlenija għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, u li għandu jkun hemm rappurtar regolari mill-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-aġenziji ffinanzjati rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod konsistenti mal-immappjar u l-analiżi tal-lakuni tad-data internazzjonali dwar iż-żgħażagħ imwettqa reċentement mill-Kummissjoni Ewropea (1).

1.5.

Il-KESE jilqa’ u jħeġġeġ rabtiet mal-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-aġenziji tagħha f’dan il-qasam, partikolarment fir-rigward tal-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u kwalunkwe sinerġija mal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-politiki ewlenin tal-UE dwar iż-żgħażagħ bħall-Erasmus+ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ jistgħu jkunu ta’ għajnuna fil-ħidma fl-oqsma tal-involviment taż-żgħażagħ u l-politiki dwar iż-żgħażagħ. Fl-użu ta’ tali strutturi, għandha tingħata attenzjoni għall-indipendenza tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u kwistjonijiet bħall-viżi u l-lingwi.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill tal-UE jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ikollhom il-pjani tagħhom stess li jiffokaw fuq kwistjonijiet simili bħal dawk tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u li jaħdmu fi sħubija mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, għandhom jibnu fuq ir-rabtiet eżistenti u s-sħubijiet tas-soċjetà ċivili bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi fil-mira u jsaħħuhom, b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-pajjiżi fil-mira għandhom jiġu mħeġġa u jingħataw l-għodod biex ikollhom il-politiki tanġibbli tagħhom għaż-żgħażagħ u kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, jew entitajiet ekwivalenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem meta tappoġġja lill-pajjiżi fil-mira.

1.9.

Il-KESE jemmen li hemm bżonn tinbena rabta bejn il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u s-Sena Ewropea tal-Ħiliet biex jiġi żgurat li din il-ħidma tingħata prijorità fil-pajjiżi msieħba.

1.10.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-attivitajiet li jiffokaw fuq l-edukazzjoni għandhom ikunu mfassla fuq l-ugwaljanza, b’mod partikolari l-protezzjoni tat-tfajliet u l-bniet, u li l-istrateġiji għandhom jiżguraw l-involviment ta’ dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu. L-opportunitajiet kollha ta’ boroż ta’ studju għandhom ikunu miftuħa, trasparenti u jkollhom metodi apposta biex jinkoraġġixxu lil dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu.

1.11.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li għandu jitrawwem l-involviment ċiviku mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha bħall-gruppi taż-żgħażagħ, it-trade unions u l-gruppi ta’ intraprendituri żgħażagħ.

1.12.

Il-KESE jikkunsidra li l-politika kummerċjali tal-UE jeħtieġ li teżamina l-impatt u l-konnessjoni tagħha maż-żgħażagħ, partikolarment taħt il-kapitoli tal-kummerċ u tas-sostenibbiltà u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika.

1.13.

Il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu żviluppati servizzi tas-saħħa mentali speċifiċi bbażati fil-komunità għaż-żgħażagħ u miri kemm għan-numri tal-output kif ukoll għat-titjib kwalitattiv fis-saħħa mentali, għal xogħol maż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna, b’mod konsistenti mal-istudju tal-Kummissjoni Ewropea.

1.14.

Il-KESE jemmen li l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal għandha tkun parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, sabiex it-tħaddim tat-tfal fl-aħħar jiġi eliminat fis-seklu 21.

2.   Informazzjoni ġenerali: attivitajiet rilevanti tal-KESE

2.1.

F’Ottubru tal-2018, il-KESE adotta l-Opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ (2) li tenfasizza l-ħtieġa għal approċċ transsettorjali għaż-żgħażagħ u l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-impjiegi, lis-saħħa mentali, lill-ugwaljanza u lill-edukazzjoni. Enfasizza ukoll l-importanza tal-politiki ta’ azzjoni esterna tal-UE f’dan ir-rigward.

2.2.

F’Settembru tal-2020, il-KESE adotta l-Opinjoni “Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE” (3). Huwa appella wkoll biex jiġu stabbiliti Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà, inkluż delegat żagħżugħ fid-delegazzjoni uffiċjali tal-UE għal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC COP), u li jiġu inklużi l-vuċijiet taż-żgħażagħ fl-Opinjonijiet tal-KESE dwar il-klima u s-sostenibbiltà.

2.3.

Fl-Opinjoni “Il-politika dwar iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, bħala parti mill-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent” (4) li ġiet adottata f’Lulju tal-2022, il-KESE stieden lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex isegwu dokumenti ewlenin tal-politika taż-żgħażagħ tal-UE u biex jinvestu aktar f’politiki taż-żgħażagħ ibbażati fuq l-evidenza li jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ u jiżguraw allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti u trasparenti.

2.4.

Il-KESE jinsab f’pożizzjoni unika biex jiffaċilita l-involviment man-networks taż-żgħażagħ. Huwa stabbilixxa Grupp ta’ Koordinazzjoni għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li ngħata mandat biex isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ matul is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u lil hinn minnha, u biex jikkoopera mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà biex jiżgura integrazzjoni trasversali aħjar taż-żgħażagħ fl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. F’Settembru 2022, il-KESE adotta l-Opinjoni “It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE” (5) u talab parteċipazzjoni taż-żgħażagħ aktar strutturata, sinifikanti u mmirata.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-Komunikazzjoni Konġunta — Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE 2022 — 2027, li timmarka pass importanti fl-azzjoni esterna u l-politika taż-żgħażagħ, filwaqt li tirrikonoxxi s-sinerġiji potenzjali bejn it-tnejn li huma, li ilu ħafna mistenni. Barra minn hekk, fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, żvilupp bħal dan jindika wkoll rikonoxximent li ż-żgħażagħ u l-ħajja taż-żgħażagħ jidħlu f’kull qasam ta’ politika, u l-kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-grupp jeħtieġ li jidhru fix-xogħol kollu tal-politika, mhux biss fl-oqsma “tradizzjonali” assoċjati maż-żgħażagħ.

3.2.

Il-gwerra fl-Ukrajna qed tkompli tħalli impatt qawwi fuq iċ-ċivili, b’mod partikolari fuq it-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Il-prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-Ukrajna, kif ukoll f’żoni oħra tad-dinja milquta minn kunflitti, għandha tkun li tiżdied ir-reżiljenza taż-żgħażagħ, li jiġi appoġġjat l-involviment ċiviku taż-żgħażagħ u li tingħatalom is-setgħa li jfasslu l-bidla fil-komunitajiet tagħhom, speċjalment fid-dawl tal-irkupru wara kunflitt.

3.3.

Il-Komunikazzjoni tqis ukoll kif imiss il-ħajja ta’ wara l-COVID-19, u tirrikonoxxi kif iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni tagħhom u l-libertà ta’ moviment tagħhom kienu l-aktar li sofrew f’din il-kriżi. Filwaqt li fl-Ewropa huwa rikonoxxut, l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ madwar id-dinja ingħata inqas attenzjoni, partikolarment fid-dinja li qed tiżviluppa u fi stati fraġli.

3.4.

Essenzjalment, aħna nappoġġjaw il-kunċett li l-politiki interni kollha relatati maż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jiġu riflessi fir-relazzjonijiet esterni tagħna, b’kunsiderazzjoni tal-kuntesti lokali/reġjonali speċifiċi li fihom isseħħ l-azzjoni esterna. Fid-dawl ta’ dan, aħna nappoġġjaw li t-Test taż-Żgħażagħ għall-politiki tal-UE huwa rrakkomandat ukoll lil dawk li jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ.

3.5.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ huwa bbażat fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija li jenfasizzaw il-ħtieġa għal parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u sinifikanti taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u politika. Iż-żgħażagħ — għalkemm huma minn ta’ quddiem fil-bidla — frekwentament għadhom sottorappreżentati, għall-kuntrarju tad-drittijiet fundamentali li għandhom. Il-KESE japprezza l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għal-livell għoli ta’ ambizzjoni u l-prijorità ċara fuq l-azzjoni. Japprezza wkoll li jirrikonoxxi d-dimensjonijiet interġenerazzjonali tal-isfidi globali tal-lum.

3.6.

Il-Komunikazzjoni tiġbor flimkien il-ħidma politika ewlenija kollha relatata maż-żgħażagħ f’oqsma differenti. Fit-twettiq tagħha, se jkun importanti li jkun hemm xi tip ta’ sorveljanza globali, partikolarment minħabba l-aġenziji differenti għat-twettiq u d-diversità tal-politiki involuti. Dan għandu jinvolvi wkoll lil dawk responsabbli għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ infushom, kif ukoll l-aġenziji tal-għajnuna u korpi nazzjonali oħra tal-Istati Membri tal-UE, l-aġenziji ffinanzjati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Bl-istess mod, ir-riżultati se jkollhom jikkunsidraw diversi sorsi finanzjarji, atturi u indikaturi involuti. B’mod ġenerali, dan se jkun ta’ sfida, iżda sistema ta’ sorveljanza effettiva tkun utli ħafna u tista’ tkun mudell ta’ twettiq ta’ politika konġunta.

3.7.

Il-ġbir tad-data jeħtieġ li jittejjeb għaż-żgħażagħ fi kważi kull qasam ta’ azzjoni esterna. L-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li tiffoka fuq dan il-qasam ta’ sfida, kif rikonoxxut fl-immappjar u fl-analiżi tal-lakuni tad-data internazzjonali dwar iż-żgħażagħ, li twettqu reċentement mill-Kummissjoni Ewropea. Jista’ jkun diffiċli li l-eżiti u r-riżultati jiġu diżaggregati u li ssir distinzjoni bejn il-kontribut preċiż ta’ kwalunkwe programm jew inizjattiva partikolari għal riżultat. Għalhekk l-interventi kollha maż-żgħażagħ jeħtieġu analiżi lonġitudinali.

3.8.

L-UE u l-istituzzjonijiet kollha tagħha għandhom jaħdmu mar-Renju Unit biex jiżguraw li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’dak il-pajjiż ma jitilfux l-ispirtu ta’ kooperazzjoni u l-apprendiment interkulturali u l-esperjenza żviluppata mill-Erasmus+. Għandha tiġi esplorata kull opportunità biex jiġi ottimizzat il-potenzjal għall-bini mill-ġdid tar-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-Renju Unit, u għandhom jinħolqu u jiġu promossi opportunitajiet oħrajn ġodda (6).

Tmexxija u Parteċipazzjoni

3.9.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jenfasizza b’mod konsiderevoli t-tmexxija u l-parteċipazzjoni. Dan huwa milqugħ u konformi ħafna mal-aħjar prattiki fil-ħidma maż-żgħażagħ. Madankollu, il-KESE jemmen li se jkun meħtieġ approċċ maħdum bir-reqqa u deliberat biex approċċ bħal dan ikollu segwitu fl-azzjoni esterna tal-UE. Anke fi ħdan l-UE u l-Istati Membri tagħha, għad fadlilna triq twila x’nimxu fir-rigward tal-prattika parteċipattiva minkejja l-isforzi qawwija li saru. It-tmexxija taż-żgħażagħ ġeneralment toriġina minn ħidma tajba fil-livell l-aktar bażiku u f’ambjent ta’ appoġġ. Dan imbagħad jagħti lok liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jitkellmu, iżda dan ikun ibbażat fuq konnessjonijiet mal-pari tagħhom u fuq l-esperjenza ta’ kwistjonijiet lokali bħall-ambjent, it-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa mentali, l-assistenza soċjali u ħafna aktar. Dan ix-xogħol spiss ikun iffaċilitat mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Nittamaw li l-programmi tematiċi dwar is-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jkunu jistgħu jenfasizzaw dawn il-ħtiġijiet.

3.10.

Għadd ta’ fatturi assoċjati jeħtieġ li jkunu preżenti għal prattika tajba f’dan il-qasam. Il-programm Erasmus+ għadu jfittex li jagħti prijorità liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, filwaqt li jagħraf b’mod effettiv li l-programm ewlieni għad għandu ħafna x’jagħmel f’dan il-qasam. Fil-qasam tal-kuntatti bejn in-nies u l-mobilità, aspetti amministrattivi bħall-viżi għandhom rwol deċiżiv biex jiżguraw esperjenza bla xkiel għall-parteċipanti, u hemm bżonn ta’ approċċ komuni hawnhekk. Huwa ċar li l-isfidi tal-applikazzjoni ta’ dawn l-aspetti għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, li qegħdin fi stat fraġli jew saħansitra pajjiżi totalitarji, se jiżdiedu. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tmexxija u l-ħidma parteċipattiva kollha maħsuba għandhom jinbnew fuq l-esperjenza popolari u tal-komunità.

3.11.

Irridu noqogħdu attenti li ma naqilbux il-proċess ta’ taħt fuq billi l-ewwel naħdmu ma’ “mexxejja” mingħajr ebda trazzjoni reali abbażi ta’ appoġġ popolari. Il-finanzjaturi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi ma jistgħux joħolqu din it-tmexxija, u huwa meħtieġ li jiġu żgurati rabtiet ta’ kwalità fil-livell popolari. Għalhekk, neħtieġu għażla trasparenti, metodi miftuħa u inklużivi u salvagwardji kontra l-manipulazzjoni minn stati jew partijiet oħrajn, partikolarment fi stati fraġli. Il-ħiliet ta’ involviment, parteċipazzjoni u tmexxija huma kruċjali u l-approċċ tagħna jrid jibni infrastruttura biex dawn isiru realtà. L-appoġġ fit-tul għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili irid jingħata prijorità fuq approċċi bbażati fuq proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir. L-interazzjoni mat-tmexxija taż-żgħażagħ teħtieġ ukoll strateġiji biex jiġi ttrattat grupp li jinbidel kontinwament u li huwa temporanju, magħmul minn persuni li jikbru u jiżviluppaw u li f’xi stadju jkollhom bżonn jew ikunu jridu jimxu ’l quddiem.

3.12.

Għandu jingħata appoġġ sinifikanti lill-organizzazzjonijiet fil-livell popolari li joperaw fil-post sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw internament u jsiru atturi rilevanti fil-komunitajiet lokali tagħhom. Nittamaw li l-ħidma tal-Bord ta’ Evalwazzjoni taż-Żgħażagħ dwar is-sħubija internazzjonali f’dan ir-rigward, u l-pjattaforma ta’ djalogu ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala parti mill-Forum ta’ Politika dwar l-Iżvilupp (PFD), se tindirizza dan. Barra minn hekk, l-appoġġ lit-trade unions u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tat-trade unions jista’ jgħin biex jinkoraġġixxi u jappoġġja liż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod demokratiku fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Il-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ jistgħu jipprovdu infrastruttura tajba biex jiddeċiedu ma’ min jaħdmu f’pajjiżi msieħba, sakemm dawn ikunu indipendenti, kif ukoll inizjattivi bħall-inizjattiva Mobilizzazzjoni Globali taż-Żgħażagħ tas-6 organizzazzjonijiet kbar taż-żgħażagħ (7).

Metodi ta’ Twettiq

3.13.

Hemm referenzi konsiderevoli u milqugħa għal Erasmus+ fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tevita li tirrepeti xogħol li diġà sar b’mod tajjeb. L-istrutturi u l-proċessi tal-programm jistgħu u għandhom jintużaw fir-relazzjonijiet esterni tagħna fejn rilevanti. Fit-twettiq, jista’ jkun ta’ għajnuna li jiġu diżaggregati s-sottopartijiet tal-programm bħaż-żgħażagħ, l-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u l-edukazzjoni terzjarja. L-ostakli, bħall-viżi, in-nuqqas ta’ finanzjament u l-ostakli lingwistiċi għandhom jitneħħew, u t-twettiq għandu jiffoka fuq it-tagħlim reċiproku, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-esperjenza. Jekk jintużaw aġenziji nazzjonali, dawn għandhom jiġu vverifikati b’kawtela biex jiġi żgurat ir-rispett għall-atturi xierqa tas-soċjetà ċivili u l-indipendenza tagħhom.

3.14.

Il-VET Inizjali (IVET) jiffaċilita l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fil-futur u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-politiki u l-prattiki tajba tal-VET jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs).

3.15.

Il-Komunikazzjoni tagħmel rabtiet utli bejn l-azzjoni esterna tal-UE u d-drittijiet tat-tfal, fejn l-UE reċentement żviluppat strateġija. Rabta akbar mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) tal-1989 fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ tkun ta’ għajnuna wkoll, pereżempju billi jintużaw ir-rapporti tal-istati tal-kumitat ta’ Ġinevra. Ħafna żgħażagħ għandhom taħt it-18-il sena u l-prinċipji fl-UNCRC jistgħu jservu bħala gwida, iżda l-ħidma fost iż-żgħażagħ tal-UE tkompli lil hinn minn din l-età. Mhux dejjem għandna nikkunsidraw it-18-il sena bħala l-età awtomatika ta’ diviżjoni.

3.16.

Jeħtieġ li jiġi applikat approċċ ta’ Tim Ewropa biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u multilaterali. L-UE għandha għalhekk taġġusta għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi fir-reġjuni differenti. Il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju jekk is-sħubijiet jikkontribwixxu biex jimtlew il-lakuni fl-għarfien u fid-data dwar iż-żgħażagħ, speċjalment dawk relatati mal-oqsma prijoritarji tal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, tat-tibdil fil-klima u tal-Patt Ekoloġiku. Il-KESE huwa interessat li fix-xhur li ġejjin jitgħallem kif l-azzjonijiet varji se jiġu implimentati u jinsab lest li jikkontribwixxi.

3.17.

Konna nittamaw għal livell akbar ta’ rispons matul il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u aktar rappreżentattività fost it-tweġibiet. Dan jixħet dawl fuq il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar suġġetti importanti biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxu b’mod preċiż u sinifikanti għall-proċess tat-tfassil tal-politika. Għodod bħat-Tikketta tal-Kwalità tal-Informazzjoni u l-Pariri Ewropej għaż-Żgħażagħ (ERYICA) jistgħu jkunu informattivi hawnhekk.

4.   Kummenti speċifiċi dwar partijiet mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ

4.1.

Id-dispożizzjonijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jirrappreżentaw il-kompilazzjoni ta’ ħafna attivitajiet kurrenti, u l-isfidi fl-implimentazzjoni se jkunu enormi, partikolarment wara l-pandemija tal-COVID-19. L-aċċess għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma kritiċi u kien hemm progress f’dan il-qasam.

Edukazzjoni

4.2.

Hija meħtieġa rabta qawwija mas-Sena Ewropea tal-Ħiliet fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet marbutin mal-iżvilupp tal-ħiliet, l-iżjed fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll fl-ekonomija ċirkolari, is-saħħa mentali u fiżika, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, anke fit-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet taż-żgħażagħ (8). Ir-rwoli tad-djalogu soċjali u ċiviku huma essenzjali u jeħtieġ li jissaħħu.

4.3.

Għal darb’oħra, se jkun hemm diversi partijiet interessati involuti fl-edukazzjoni u, għalhekk, jinħtieġu miri u kejl ċari. Sforz kostanti fuq dawk l-aktar diffiċli biex jintlaħqu, partikolarment fl-ifqar stati u dawk l-aktar fraġli, huwa meħtieġ. L-impenn ta’ nfiq ta’ 10 % mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) tal-Kummissjoni Ewropea u fil-baġit umanitarju huwa milqugħ u nixtiequ naraw l-impenji ta’ aġenziji u stati oħra. Is-soluzzjonijiet fit-tul fl-edukazzjoni jridu jiġu minn gvernijiet fil-pajjiżi fil-mira u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali għandu jkollhom rwol ewlieni. Il-komunità internazzjonali ma tistax tkun l-attur prinċipali fit-tul. Nittamaw li s-Summit dwar it-Trasformazzjoni tal-Edukazzjoni jista’ jwassal għal avvanzi f’dan.

4.4.

Dispożizzjonijiet dwar boroż ta’ studju u trusts huma milqugħa, iżda jeħtieġ li nagħtu attenzjoni għall-kwistjonijiet tal-għażla u niżguraw l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa importanti li jiġu definiti proċeduri trasparenti, ġusti u inklużivi għall-għażla tal-parteċipanti fi programmi akkademiċi meta jiġu stabbiliti dawn l-opportunitajiet, billi tingħata prijorità lill-aċċess għal individwi b’inqas opportunitajiet.

4.5.

L-isfruttar tal-valur tal-kapital uman huwa essenzjali biex tiżdied il-kompetittività u jiġi indirizzat il-qgħad, filwaqt li jiġi rrispettat l-iżvilupp sostenibbli. Dan jitlob forza tax-xogħol mgħammra b’firxa ta’ ħiliet trasfversali u l-kapaċità ta’ adattament. Il-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ trid tiġi żviluppata u mwassla f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u għandha tenfasizza l-kompetenzi aktar milli l-kwalifiki. Dan se jgħin biex jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet.

Organizzazzjonijiet taż-Żgħażagħ

4.6.

Hemm diversi fora u korpi stabbiliti fil-Komunikazzjoni li jinvolvu liż-żgħażagħ. Il-pjattaforma fil-Forum Politiku dwar l-Iżvilupp hija milqugħa, sakemm jiġu żgurati l-konnessjonijiet fil-livell taċ-ċittadini mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li huma indipendenti, awtoorganizzati u idealment immexxija miż-żgħażagħ.

4.7.

Huma milqugħa l-aċċenn u r-referenza għall-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-Komunikazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ tista’ tibbenefika minn involviment fil-mudelli differenti ta’ prattika tax-xogħol fost iż-żgħażagħ preżenti fl-UE. Din il-prattika tista’ tkun rilevanti daqs il-vuċijiet taż-żgħażagħ, peress li tibni l-kapaċità fost iż-żgħażagħ kollha fil-livell lokali u mbagħad tagħti lok għal mexxejja żgħażagħ li jiffokaw fuq l-esperjenza lokali. Hemm disponibbli ammont konsiderevoli ta’ evidenza u mudelli permezz tas-Sħubija bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa u s-settur taż-żgħażagħ volontarju.

4.8.

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jkunu riżorsa tremenda fit-twettiq tal-pjan. L-Istati Membri tal-UE għandhom jiġu mħeġġa jinvolvu lis-settur taż-żgħażagħ tagħhom f’dan il-qasam bi pjani ta’ azzjoni nazzjonali. Aħna għandna nipprijoritizzaw il-mudelli tajbin u l-ħidma mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ tal-UE fix-xogħol li jirrigwarda l-iżvilupp, il-kunflitt, u d-drittijiet tal-bniedem qabel, pereżempju, il-mudelli tal-“iżvilupp taż-żgħażagħ” tal-Istati Uniti li spiss jintużaw “lesti” f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u f’reġjuni oħra, u li ħafna drabi ma jkunux imsejsa fuq l-istess valuri. Dan kieku jmur tajjeb mal-impenn li jkun hemm soluzzjonijiet imfassla apposta għal reġjuni partikolari.

4.9.

It-tnedija ta’ impenji dwar l-edukazzjoni għandha tinvolvi ruħha wkoll f’sistemi informali u mhux formali f’komunitajiet, fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ. Id-definizzjonijiet tal-Unesco u tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu gwida tajba hawnhekk flimkien max-xogħol fil-kapitolu taż-żgħażagħ tal-Erasmus+. Irridu nirrikonoxxu l-benefiċċji immensi tat-tagħlim għal kulħadd barra mill-ambjent skolastiku li jibqa’ tul il-ħajja kollha u fl-aspetti kollha tagħha.

4.10.

Id-djalogu politiku huwa importanti u l-għanijiet fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ huma ambizzjużi, iżda m’għandniex ninjoraw il-politiki taż-żgħażagħ f’kull pajjiż u r-responsabbiltajiet tal-gvernijiet, kif ukoll il-ħtieġa ta’ settur volontarju u soċjetà ċivili ta’ veru. It-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ teħtieġ ukoll li tappoġġja l-iżvilupp tal-politika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta’ kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ jew korpi simili, u approċċi bħat-test taż-żgħażagħ tal-UE u oħrajn.

4.11.

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ diġà għandhom rabtiet madwar id-dinja, kif muri mill-ħidma tas-6 organizzazzjoni kbar fid-dinja taż-żgħażagħ, u t-tnedija tal-pjan għandha tinvolvihom, tibni fuq ix-xogħol li diġà jeżisti u tkun mudell għal aktar inizjattivi. Għandna wkoll noqogħdu attenti li ma nkunux restrittivi żżejjed fuq il-kwistjonijiet tal-parteċipazzjoni. Mhux ċar jekk ġewx utilizzati proċessi parteċipattivi fl-għażla tal-kwistjonijiet għall-Fond ta’ Emanċipazzjoni taż-Żagħżagħ. Iż-żgħażagħ mhux dejjem jagħżlu l-kwistjonijiet li oħrajn iqisu bħala importanti partikolarment fid-dinja li qed tiżviluppa jew fi stati fraġli fejn konsiderazzjonijiet aktar prattiċi jistgħu jkunu aktar importanti.

4.12.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma milqugħa b’sodifazzjon kbir u għandhom ikunu akkumpanjati minn appoġġ effettiv biex jinbdew movimenti ta’ appoġġ popolari fil-pajjiżi msieħba li fihom id-delegazzjonijiet tal-UE jista’ jkollhom rwol kruċjali madwar id-dinja. Hawnhekk għandhom jiġu offruti sħubijiet, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet tal-UE u x-xogħol għandu jiġi mmonitorjat. Huwa importanti li jiġi ffaċilitat il-ħolqien u t-tisħiħ ta’ networks kemm mal-organizzazzjonijiet tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE.

Twettiq effettiv

4.13.

Hemm ħafna atturi, politiki u linji ta’ finanzjament involuti f’din il-ħidma bħad-delegazzjonijiet tal-UE, diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kunsill tal-UE u l-Istati Membri, u varjetà ta’ baġits ta’ għajnuna. It-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li tiżgura ċarezza u kooperazzjoni transsettorjali xierqa biex tiżgura enfasi qawwija fuq il-grupp fil-mira fl-aħħar tal-ġurnata, u fl-istess ħin jiġi allokat baġit suffiċjenti.

4.14.

Il-kunċetti li jiġġeneraw il-kuntatti jistgħu jibnu fuq ix-xogħol eżistenti u jħarsu lejn il-ġemellaġġ u inizjattivi oħra tal-Erasmus+ (għaż-Żgħażagħ). Barra minn hekk, proġetti ta’ Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ tal-Erasmus+ (mingħajr dimensjoni transnazzjonali) jistgħu jipprovdu mudelli tajbin għal proġetti taż-żgħażagħ fil-pajjiżi fil-mira.

4.15.

Iż-żgħażagħ huma l-mexxejja futuri u dawk li jfasslu l-bidla, u huma msieħba essenzjali biex jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali. Il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għandu jiżgura li l-azzjoni esterna tal-UE tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ fuq livell politiku, soċjali u ekonomiku. Il-KESE, filwaqt li jaġixxi fl-impenn tiegħu li jimplimenta r-rakkomandazzjoni mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali tal-Kumitat u jingħata s-setgħa bħala faċilitatur u garanti ta’ attivitajiet ta’ demokrazija parteċipattiva, bħal djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-panels taċ-ċittadini, jinsab lest li jagħmel il-parti tiegħu.

4.16.

Ir-referenzi għat-tranżizzjoni għall-ħajja adulta fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ huma b’saħħithom, milqugħa b’sodisfazzjon u konformi mal-valuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE. Kwistjonijiet importanti hawnhekk jinkludu li ż-żgħażagħ jitgħallmu d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom bħala ċittadini, il-litteriżmu finanzjarju, il-lingwi barranin, is-sostenibbiltà tal-pjaneta tagħna u l-intraprenditorija. Bl-istess mod, il-KESE jilqa’ r-rabta mal-Aġenda tan-NU għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u s-sejħa għal impenn ikbar man-NU. Fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, jeħtieġ li nkunu konxji tad-distanza li ż-żgħażagħ ġeneralment ikollhom mit-teħid tad-deċiżjonijiet f’ħafna oqsma.

4.17.

Ir-Riżoluzzjoni 2250 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà hija għodda kritika fl-involviment taż-żgħażagħ madwar id-dinja. Tidentifika ħames pilastri ewlenin għall-azzjoni: il-parteċipazzjoni, il-protezzjoni, il-prevenzjoni, is-sħubijiet u d-diżimpenn u r-reintegrazzjoni. Din ir-Riżoluzzjoni monumentali tħeġġeġ lill-Partijiet Firmatarji biex jagħtu vuċi akbar liż-żgħażagħ fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u biex jikkunsidraw it-twaqqif ta’ mekkaniżmi li jippermettu liż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod sinifikanti fi proċessi ta’ paċi. Għandu jkun hemm appoġġ għal dawk li jixtiequ jimplimentaw din l-aġenda lokalment u nazzjonali. Ir-rabta u l-koordinazzjoni mal-Fond ta’ Responsabbilizzazzjoni taż-Żgħażagħ joħolqu ħafna sinerġiji hawnhekk.

Ġeneru

4.18.

Il-KESE jemmen li l-isfruttament tal-potenzjal taż-żgħażagħ u l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli. L-azzjoni esterna tal-UE għandha l-intenzjoni li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ fil-livell politiku, soċjali u ekonomiku u tgħinhom jimpenjaw ruħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika b’mod sinifikanti u inklużiv. Il-KESE jara l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ bħala vitali biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli u japprezza r-referenzi għall-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tmiem tad-diskriminazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Il-KESE jirrimarka li l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ għandu jissarraf f’azzjonijiet sinifikanti, strateġiċi u fit-tul li jkunu ta’ benefiċċju għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ b’mod ugwali. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji li jippromovu l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna.

4.19.

Huwa importanti li jiżdied in-numru ta’ żgħażagħ, b’mod partikolari ta’ tfajliet, b’kapaċitajiet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika) u ħiliet diġitali u li l-bniet jiġu mħajra jinteressaw ruħhom fl-oqsma STEM fi stadju bikri, li jiġu appoġġjati n-nisa intraprendituri u l-mudelli eżemplari femminili f’dawn is-setturi u li jsir investiment fi programmi biex il-bniet fl-iskola sekondarja jinteressaw ruħhom fl-iSTEM.

Saħħa mentali

4.20.

Ir-referenza fil-Komunikazzjoni għas-saħħa mentali hija milqugħa b’sodifazzjon u nittamaw li tkun tidher b’mod prominenti fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Peress li s-sistemi tas-saħħa huma dgħajfa madwar id-dinja, l-implimentazzjoni ta’ titjib f’dan il-qasam aktar “favur għaż-żgħażagħ” għandha tiġi msaħħa.

Persuni b’diżabbiltà

4.21.

Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa daqstant importanti li fil-Komunikazzjoni ssir referenza għaż-żgħażagħ b’diżabbiltà u dawn għandu jkollhom rwol prominenti wkoll fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ. Iż-żgħażagħ b’diżabbiltà huma grupp li ta’ spiss jintesa fil-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u tal-parteċipazzjoni demokratika tagħhom u għandu jkollhom sehem fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ.

Opportunità ekonomika

4.22.

Il-ħiliet adatti se jkunu essenzjali għall-opportunitajiet ekonomiċi futuri taż-żgħażagħ. Se jkun meħtieġ appoġġ għall-imprendituri u n-negozji ġodda, inklużi l-finanzi u l-kreditu, peress li se jkun hemm ħafna opportunitajiet, mhux l-inqas fil-qasam diġitali, speċjalment fid-dinja li qed tiżviluppa.

4.23.

Fil-qasam tal-opportunitajiet ekonomiċi, il-mudell tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE joffri eżempju tajjeb b’aġġustamenti adatti biex jipprovdu opportunitajiet għan-NEETs. L-edukazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol u soċjali se tkun meħtieġa biex l-aġenda tax-xogħol deċenti ssir realtà.

4.24.

Kwistjonijiet bħall-kummerċ jeħtieġ li jiġu eżaminati bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ, pereżempju f’kapitoli dwar is-sostenibbiltà fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, u għandu jiġi sostnut l-involviment tas-soċjetà ċivili bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ jibqgħu l-aktar vulnerabbli għat-tħaddim tat-tfal u forom oħra ta’ trattament ħażin. Sabiex dan jiġi miġġieled, il-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal għandha ssir parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ sabiex fl-aħħar issir l-istorja fis-seklu 21. Għal dan l-għan, iridu jinħolqu riżorsi finanzjarji biex il-ħaddiema tfal ma jibqgħux jiddependu mill-introjtu tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-operat tal-kumpaniji li jużaw it-tħaddim tat-tfal fil-katina tal-produzzjoni globali tagħhom irid jiġi ristrett.

4.25.

Iż-żgħażagħ spiss ikunu l-ewwel li jagħmlu vjaġġi perikolużi biex jemigraw lejn l-Ewropa u bnadi oħra. Sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ma jiġux sfurzati jieħdu mogħdijiet perikolużi u spiss illegali fuq il-fruntieri internazzjonali, il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ jeħtieġ li jinkludi kooperazzjoni attiva ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġu stabbiliti kurituri umanitarji u programmi ta’ risistemazzjoni għaż-żgħażagħ biex jaslu l-Ewropa b’mod sikur u legali.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Kalantaryan, S., McMahon, S. u Ueffing, P., Youth in external action (Iż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna), JRC130554, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.

(2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142

(3)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44.

(4)  ĠU C 443, 22.11.2022, p. 44.

(5)  ĠU C 486, 21.12.2022, p. 46.

(6)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar “L-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-UE”, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.

(7)  https://globalyouthmobilization.org/

(8)  ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Żvediża)

(2023/C 184/03)

Relatur:

Nicoletta MERLO

Talba mill-Presidenza

Żvediża tal-Kunsill

Ittra tal-14.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

8.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

152/00/01

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li ż-żgħażagħ jistgħu u jridu jaqdu rwol kruċjali fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika. Huwa jqis li mudell ġdid ta’ governanza li jkun aktar inklużiv u kapaċi jiżgura l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li jegħleb l-ostakli li għadhom jeżistu, huwa essenzjali.

1.2.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikollhom rwol ewlieni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-iżvilupp u fit-tixrid ta’ proġetti relatati mas-sostenibbiltà u mal-ambjent, inkluż billi jiggarantulhom l-appoġġ finanzjarju meħtieġ.

1.3.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu mmonitorjati b’mod kostanti l-effetti li l-investimenti pubbliċi, inklużi dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, għandhom u se jkollhom fil-futur fuq iż-żgħażagħ permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, politiku u soċjali tal-politiki li għandhom jiġu implimentati, bl-użu ta’ indikaturi qabel, matul u wara l-approvazzjoni tagħhom.

1.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri u l-mekkaniżmi biex jiżguraw li l-perspettiva taż-żgħażagħ titqies fl-oqsma kollha ta’ politika u biex joħolqu spazju li jkun kapaċi jiggarantixxi l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ permezz tal-adozzjoni sħiħa tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE.

1.5.

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-inizjattivi u l-politiki li se jiġu adottati fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet jintrabtu mat-tema tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-iżvilupp sostenibbli, u mal-isfidi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw f’dinja li qed tinbidel malajr.

1.6.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet mistennija miż-żgħażagħ dwar din il-kwistjoni jiġu kkunsidrati permezz ta’ approċċ trasversali li jkun kapaċi jipprovdi ħiliet teoretiċi u prattiċi, inkluż billi jiġu implimentati u mtejba l-perkorsi mill-iskola għax-xogħol u l-apprendistati professjonali, kif ukoll bl-involviment tal-imsieħba soċjali. It-taħriġ dwar dawn is-suġġetti għandu jsir strutturali wkoll, billi jitfassal u jiġi żviluppat l-ewwel skont it-territorji u l-ħtiġijiet tagħhom, f’qafas usa’ fil-livell nazzjonali.

1.7.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ protezzjoni ambjentali jiġu mgħallma minn età bikrija, waqt li jiġu adottati għodod edukattivi innovattivi li jqisu l-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-kisba ta’ objettivi relatati. Edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u xogħol deċenti għal dawk li jipprovduha huma essenzjali biex dan jiġi żgurat.

1.8.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-iskejjel jinvolvu ruħhom fil-kwistjonijiet ta’ tranżizzjoni ekoloġika flimkien mal-awtoritajiet lokali u mal-attivitajiet barra mill-iskola, speċjalment mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mas-soċjetà ċivili organizzata, u b’hekk jiġġeneraw żieda fis-sensibilizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni fost iċ-ċittadini ordinarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġġudika b’mod pożittiv l-esperjenza tal-Proġett Erasmus Ekoloġiku u jistenna bil-ħerqa li dan jiġi implimentat.

1.9.

Sabiex il-ħaddiema, kemm dawk iżgħar kif ukoll dawk akbar fl-età, jingħataw ħiliet abilitanti li jirregolaw l-innovazzjoni li tirriżulta mit-tranżizzjoni ekoloġika, il-KESE jemmen li huwa importanti li jsir investiment fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u li jiġu promossi taħriġ fuq il-post tax-xogħol u internships u apprendistati ta’ kwalità li huma kapaċi joħolqu djalogu virtuż bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet individwali taż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv jista’ jkollhom rwol fundamentali.

1.10.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkun hemm politiki ta’ taħriġ olistiċi li huma integrati mal-politiki industrijali, ikkoordinati ma’ strateġiji oħra ta’ żvilupp, u ppjanati fid-dettall fil-livell territorjali u lokali, b’rabta mill-qrib mal-imsieħba soċjali, sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun tranżizzjoni ġusta li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

1.11.

Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni adegwata tan-nisa f’setturi marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika, il-KESE jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tkun parti integrali mit-tranżizzjoni ekoloġika. L-Istati Membri għandhom jinvestu aktar riżorsi fil-gwida għall-karriera għaż-żgħażagħ fl-iskola u biex jappoġġjawhom fix-xogħol permezz ta’ servizzi pubbliċi effiċjenti tal-impjiegi li huma marbuta b’mod adegwat man-nisġa produttiva tat-territorju.

1.12.

L-imprendituri żgħażagħ jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-innovazzjoni, inkluż fil-qasam tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-KESE jemmen li dawn iż-żgħażagħ jeħtieġ li jitħeġġu permezz ta’ taħriġ u appoġġ speċifiċi għal proġetti innovattivi, u billi jiġi żgurat appoġġ finanzjarju adegwat.

1.13.

Sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni ekoloġika tkun ukoll tranżizzjoni ġusta u jiġi evitat l-għeluq ta’ kumpaniji b’telf sussegwenti ta’ impjiegi, il-KESE jqis li hija prijorità għall-Istati Membri li jinvestu riżorsi sinifikanti, l-ewwel b’dawk tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, biex jappoġġjaw lin-negozji li jeħtieġ li jikkonvertu l-attivitajiet tagħhom, jerġgħu jiġu impjegati l-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u jiġu appoġġjati l-imprendituri, b’mod partikolari l-imprendituri żgħażagħ, li beħsiebhom jinvestu f’negozji ekoloġiċi.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Din l-Opinjoni esploratorja ntalbet mill-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-UE sabiex jiġi investigat ir-rwol taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika.

2.2.

“Tranżizzjoni ekoloġika” tirreferi għat-tranżizzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE lejn il-kisba tal-għanijiet klimatiċi u ambjentali prinċipalment permezz ta’ politiki u investimenti, f’konformità mal-Att Ewropew dwar il-Klima, li jistabbilixxi obbligu li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u ma l-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva għal kulħadd.

2.3.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi kbar, huwa importanti li wieħed jinnota li l-ġenerazzjoni li hija l-aktar sensittiva u konxja tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali hija preċiżament dik taż-żgħażagħ. Fil-fatt, jekk illum hemm kwistjoni waħda li kapaċi toħloq rabta virtuża bejn is-sensittività u l-valuri taż-żgħażagħ u l-mistoqsijiet mhux solvuti ta’ żminijietna, b’potenzjal innovattiv għoli fir-rigward tal-mudelli ta’ produzzjoni u konsum, hija dik tal-ambjent, tal-promozzjoni tas-saħħa u tas-salvagwardja tal-bijodiversità tal-pjaneta.

2.4.

F’dawn l-aħħar snin, l-azzjoni klimatika mmobilizzat għadd kbir ta’ żgħażagħ madwar l-Ewropa u bosta movimenti ambjentali u soċjali kibru fil-livelli territorjali, nazzjonali u Ewropej, magħmula minn żgħażagħ li juru u jitolbu miżuri tanġibbli mill-gvernijiet u minn dawk li jfasslu l-politika biex jipproteġu l-ambjent u jiksbu n-newtralità klimatika.

2.5.

L-2022 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ mhux biss biex tiċċelebra u tappoġġja liż-żgħażagħ, il-ġenerazzjoni l-aktar milquta b’mod negattiv mill-pandemija, billi tnissel fihom tama, saħħa u fiduċja ġodda fil-futur, iżda wkoll bħala opportunità biex jiġi enfasizzat kif it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali joffru prospetti u opportunitajiet ġodda.

3.   L-involviment taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika

3.1.

Sabiex tinkiseb tranżizzjoni ekoloġika ġusta, jeħtieġ li jiġu implimentati l-Aġenda tal-2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż billi jiġi implimentat mudell ta’ governanza ġdid li jkun aktar inklużiv u kapaċi jinvolvi b’mod attiv liż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.2.

Id-deċiżjonijiet li l-mexxejja politiċi jieħdu llum dwar it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet ambjentali oħra se jkollhom riperkussjonijiet b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ tal-lum u l-ġenerazzjonijiet futuri. Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li jsemmgħu leħinhom dwar il-kwistjonijiet li jaffettwawhom, kif iddikjarat fl-Aġenda tal-2030, li tirrikonoxxi liż-żgħażagħ bħala “aġenti kruċjali tal-bidla” fi ħdan l-SDGs tagħha.

3.3.

Għalkemm ir-rwol taż-żgħażagħ biex tinbena dinja aktar sostenibbli, inklużiva u ekoloġika qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar, u minkejja l-proklamazzjoni ta’ sena ddedikata għalihom, huwa ċar li fir-realtà ż-żgħażagħ għadhom isibuha diffiċli biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.4.

F’dawn l-aħħar snin, minkejja grad għoli ta’ attiviżmu taż-żgħażagħ dwar il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, konna qed naraw ukoll nuqqas ta’ sodisfazzjon u telf ta’ fiduċja dejjem akbar fost iż-żgħażagħ fir-rigward tal-istituzzjonijiet politiċi, li jissarraf fi tnaqqis fil-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-partiti politiċi u f’astensjoniżmu dejjem akbar fl-elezzjonijiet politiċi, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati. Dan jirrappreżenta theddida għas-sistema demokratika u ostaklu għall-iżvilupp ta’ politiki li jħarsu ’l quddiem, billi jibda minn dawk meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni klimatika, u kapaċi jwieġbu għal sensittivitajiet u ħtiġijiet differenti. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u f’proċessi oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tkun prijorità u li għandhom jiġu esplorati l-għażliet kollha biex din issir fattibbli u effettiva fil-livelli kollha.

3.5.

Bħala punt tat-tluq, ikun importanti li jiġu identifikati u megħluba l-ostakli soċjali, ekonomiċi u kulturali għall-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu wkoll dovuti minn nuqqas ta’ għarfien jew aċċess diffiċli għall-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-mekkaniżmi ta’ rappreżentanza. Aspett ieħor li għandu jiġi enfasizzat jikkonċerna l-modi ġodda, ħafna drabi informali, li fihom iż-żgħażagħ illum jinvolvu ruħhom u jiddjalogaw, spiss permezz tal-użu tat-teknoloġija u tal-midja soċjali, u li għandhom jitqiesu kif xieraq peress li huma kapaċi jimmobilizzaw ġenerazzjonijiet sħaħ.

3.6.

Is-sostenibbiltà hija integrata sew fil-perspettiva taż-żgħażagħ dwar id-dinja u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, iżda b’ħafna prammatiżmu. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw l-interessi u s-sensittivitajiet ta’ miljuni ta’ żgħażagħ fl-Ewropa, jistgħu għalhekk jaqdu rwol importanti biex jiżguraw li l-ġenerazzjoni żagħżugħa mhux biss ikollha vuċi fl-istituzzjonijiet u fis-soċjetà ċivili, iżda wkoll l-opportunità li tagħti kontribut sinifikanti u kkwalifikat għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew (1).

3.7.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jenfasizza l-importanza li jinħolqu opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kollha l-aktar rappreżentattivi, li jibdew minn dawk li jirrappreżentaw l-aktar żgħażagħ vulnerabbli u dawk li jgħixu fiż-żoni l-aktar periferiċi u rurali, biex ikunu involuti fit-tfassil tal-politika u fl-iżvilupp ta’ ideat dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà.

3.8.

L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jaqdu ħafna funzjonijiet kif ukoll rwol kruċjali fit-tixrid u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-ambjent u mas-sostenibbiltà. Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu lil dawn l-assoċjazzjonijiet appoġġ finanzjarju strutturali permezz ta’ riżorsi adegwati u speċifiċi, sabiex l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikollhom il-kundizzjonijiet it-tajba biex jiżguraw u jiżviluppaw l-involviment taż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni ekoloġika.

3.9.

Madankollu, l-involviment waħdu mhuwiex biżżejjed. Il-politiki pubbliċi kollha jridu jqisu l-impatt li se jkollhom fuq iż-żgħażagħ u fuq l-aspettattivi tagħhom, inklużi dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, trid titwettaq evalwazzjoni ex ante, in itinereex post tal-investimenti kollha, inklużi dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, sabiex jiġu stabbiliti, b’ċertezza, permezz tal-użu ta’ indikaturi, l-impatti ekonomiċi, politiċi u soċjali li dawn se jkollhom fuq il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

3.10.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri u mekkaniżmi biex jiżguraw li l-perspettiva taż-żgħażagħ titqies fl-oqsma kollha ta’ politika, filwaqt li joħolqu spazju għaż-żgħażagħ biex jagħtu kontribut koerenti u bbażat fuq il-kompetenza għall-isfidi li jiffaċċjaw permezz tal-adozzjoni sħiħa tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE (2).

3.11.

Dak li huwa meħtieġ, kemm għall-pjaneta kif ukoll għall-iżvilupp avvanzat tal-iżvilupp tal-Istati Membri tagħna, huwa t-tisħiħ taż-żgħażagħ f’erba’ pilastri: l-involviment fil-proċessi tal-bidla; il-possibbiltà li wieħed ikollu rwol attiv billi jeżerċita r-responsabbiltà f’għażliet individwali u kollettivi; it-titjib tal-għarfien dwar it-trasformazzjonijiet li qed iseħħu u l-konsegwenzi inevitabbli tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; u l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex isir intervent b’mod kwalifikat.

4.   It-tranżizzjoni ekoloġika fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol

4.1.

L-2023 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-inizjattivi u l-politiki li se jiġu adottati f’dan il-kuntest jintrabtu mat-tema tat-tranżizzjoni ekoloġika, tal-iżvilupp sostenibbli, u tal-isfidi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw f’dinja li qed tinbidel malajr.

4.2.

Fil-kuntest tal-emerġenza klimatika u ambjentali, l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà għandha ssir prijorità għall-iskejjel. L-edukaturi għandhom rwol strumentali biex jiżguraw li l-istudenti rċevew edukazzjoni dwar il-klima u jkollhom l-għarfien u l-ħiliet li jeħtieġu biex jieħdu sehem fl-ekonomija ekoloġika. Hemm ħafna approċċi li l-għalliema u l-iskejjel jistgħu jieħdu biex jesploraw dawn il-kwistjonijiet mal-istudenti, iżda dan jirrikjedi wkoll edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u xogħol deċenti għal dawk li jipprovduha. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat finanzjament adegwat fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġi pprovdut appoġġ għal proġetti u inizjattivi li jrawmu u jimplimentaw it-tagħlim fl-oqsma tal-ambjent u tas-sostenibbiltà.

4.3.

Is-suġġett tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli huma assolutament trasversali. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu kkunsidrati l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet mistennija miż-żgħażagħ dwar din il-kwistjoni permezz ta’ approċċ trasversali li jkun kapaċi jipprovdi ħiliet teoretiċi u prattiċi, inkluż billi jiġu implimentati u mtejba l-perkorsi mill-iskola għax-xogħol u l-apprendistati professjonali. It-taħriġ dwar dawn is-suġġetti għandu jsir strutturali wkoll, billi jitfassal u jiġi żviluppat billi jibda mit-territorji u mill-ħtiġijiet tagħhom, f’qafas usa’ fil-livell nazzjonali u bil-ħsieb ta’ tagħlim tul il-ħajja.

4.4.

It-tagħlim tat-tfal dwar il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u protezzjoni ambjentali għandu jibda minn età bikrija, jibda fl-iskola preprimarja u jkompli bi programmi ddedikati matul l-iskola. Huwa għalhekk importanti li l-għalliema jirċievu wkoll taħriġ speċifiku u li jkollhom opportunitajiet garantiti biex jaġġornaw il-ħiliet tagħhom fuq bażi kontinwa.

4.5.

L-introduzzjoni ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni ekoloġika u kulturali fil-proċessi edukattivi timplika li jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol edukattiv tal-iskejjel, li huma fdati bil-kompitu li jappoġġjaw perkorsi ċiviċi li huma kapaċi jgħallmu lill-istudenti jgħixu fid-dinja b’mod ġdid u sostenibbli. L-istudenti għalhekk isiru l-protagonisti ta’ bidla li tidderiġihom lejn mudell ġdid ta’ soċjetà li jqiegħed l-ambjent fiċ-ċentru u jippermettilhom jesperimentaw u jxerrdu stili ta’ ħajja ġodda li huma f’bilanċ man-natura.

4.6.

Il-kuntest attwali, li qed jinbidel b’mod kostanti u rapidu, jappella għal ambjenti edukattivi innovattivi billi jinħoloq alfabett ekoloġiku ġdid li jkun konformi mal-għanijiet tal-Aġenda tal-2030 u li jkun iffokat fuq il-metodi ta’ implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari u l-għodod offruti mill-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja (3), li jqis il-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-kisba tal-objettivi relatati.

4.7.

Il-KESE jenfasizza li kulħadd għandu bżonn għarfien biex jindirizza t-tibdil fil-klima, speċjalment dwar l-aspetti kollha tal-konsum u tal-produzzjoni sostenibbli, l-għażliet tal-ikel responsabbli u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, kif ukoll l-użu tal-enerġija sostenibbli. L-edukazzjoni taż-żgħażagħ għandha tkun appoġġjata mit-tagħlim tul il-ħajja għall-ġenituri u mill-edukazzjoni taċ-ċittadini (4).

4.8.

Is-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika għalhekk se jiddependi fuq il-kapaċità tal-iskejjel li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u mal-attivitajiet barra mill-iskola, speċjalment mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u mas-soċjetà ċivili organizzata, u b’hekk jiġġeneraw żieda fis-sensibilizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni inkluż fost iċ-ċittadini ordinarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġġudika b’mod pożittiv l-esperjenza tal-Proġett Erasmus Ekoloġiku u jistenna bil-ħerqa li dan jiġi implimentat.

4.9.

Is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u t-tmexxija pożittiva dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni ambjentali huma saħansitra aktar b’saħħithom fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa, jiġifieri l-Ġenerazzjoni Z jew il-“Gen Z” (dawk taħt il-25 sena) u dawk b’aktar edukazzjoni u għodod kulturali aktar b’saħħithom. Dan ifisser li s-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni kwalifikata huma mistennija li jiżdiedu u jikkonsolidaw, iżda wkoll li r-reazzjonijiet pożittivi meħtieġa jistgħu jissaħħu billi tittejjeb l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u jissaħħaħ il-kapital uman tagħhom fl-isferi soċjali u ekonomiċi. Għall-kuntrarju, kwalifiki edukattivi baxxi u d-diffikultà biex wieħed jidħol fid-dinja tax-xogħol mhux biss inaqqsu l-kontribut għat-tkabbir attwali tal-pajjiż, iżda jdgħajfu wkoll ir-rwol taż-żgħażagħ bħala parteċipanti attivi fi proċessi ġodda ta’ tkabbir li huma aktar konformi mal-isfidi taż-żmien li jgħixu fih.

4.10.

Ma jistax ikun hemm tranżizzjoni mingħajr ħiliet. Huwa kruċjali li l-ħaddiema, kemm żgħażagħ kif ukoll akbar fl-età, jingħataw ħiliet abilitanti biex jirregolaw l-innovazzjoni li tirriżulta mit-tranżizzjoni ekoloġika li inevitabbilment għandha, u se jkollha fil-futur, impatt sinifikanti fuq id-dinja tax-xogħol. Il-KESE jemmen li huwa importanti li jsir investiment fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. It-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, jiġifieri s-sett ta’ prattiki ta’ taħriġ u tagħlim li jseħħu f’kuntesti tax-xogħol, b’mod partikolari fil-forma ta’ apprendistati, jirrappreżenta element deċiżiv għall-akkwist (mill-ġdid) tal-ħiliet, kemm tekniċi kif ukoll trasversali. It-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, l-internships u l-apprendistati huma tliet forom li, bil-modi diversi tagħhom stess, jgħinu biex jinħoloq djalogu virtuż bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet individwali taż-żgħażagħ. L-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fil-kisba ta’ dan, permezz tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv.

4.11.

It-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun tranżizzjoni ġusta, li tiżgura taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema u impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ lura. Huwa għalhekk li l-KESE jqis li huwa essenzjali li l-politiki ta’ taħriġ ikunu olistiċi, integrati mal-politiki industrijali, ikkoordinati ma’ strateġiji oħra ta’ żvilupp, u ppjanati fid-dettall fil-livell territorjali u lokali, b’rabta mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

4.12.

Bħalissa hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ approċċ olistiku bħal dan, u tad-diffużjoni fqira tal-ħiliet ekoloġiċi u, bħala konsegwenza, ta’ impjiegi ekoloġiċi, speċjalment fost dawk b’livelli aktar baxxi ta’ edukazzjoni u ħiliet. Dan jirriskja li jiġġenera polarizzazzjoni ġdida: bejn dawk li għandhom ħiliet ekoloġiċi, u għalhekk igawdu minn impjegabbiltà eċċellenti fix-xenarji miftuħa mit-tranżizzjoni ekoloġika, u dawk li minflok jibqgħu esklużi minn dawn il-proċessi ta’ taħriġ, ikollhom ħiliet limitati u spiss ikunu involuti f’kompiti operazzjonali li jirriskjaw li jisparixxu minħabba l-effett ikkombinat tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-awtomatizzazzjoni industrijali.

4.13.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tkun ukoll parti integrali mill-istrateġiji tal-ekonomija ekoloġika. In-nisa żgħażagħ huma sottorappreżentati fl-oqsma teknoloġiċi u xjentifiċi, minħabba li x’aktarx ma jagħżlux edukazzjoni speċjalizzata f’dawn is-setturi minħabba l-istereotipi marbutin mal-ġeneru li jqisu ċerti impjiegi bħala purament tal-irġiel. Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni adegwata tan-nisa f’setturi li għaddejjin u li fil-futur qrib se jgħaddu minn żvilupp kbir minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika, dawn l-istereotipi jridu jiġu indirizzati u l-gwida għall-karriera fl-iskola jista’ jkollha rwol kruċjali. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar riżorsi biex joffru l-gwida għall-karriera liż-żgħażagħ fl-iskola u biex jappoġġjawhom fix-xogħol permezz ta’ servizzi pubbliċi tal-impjiegi effiċjenti li huma marbuta b’mod adegwat man-nisġa produttiva tat-territorju.

4.14.

L-iżvilupp tal-innovazzjoni huwa kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni ekoloġika. L-inkoraġġiment taż-żgħażagħ b’attitudni imprenditorjali fil-proċess tal-innovazzjoni permezz ta’ taħriġ u appoġġ speċifiċi għal proġetti innovattivi u billi jiġi żgurat appoġġ finanzjarju adegwat huwa għalhekk aspett ewlieni biex jinkisbu l-objettivi.

4.15.

It-tranżizzjoni ekoloġika fl-Unjoni Ewropea tista’ toħloq miljun impjieg ġdid sal-2030, iżda tista’ twassal ukoll għal bejn 500 000 u 2 miljun persuna qiegħda, skont valutazzjoni tal-impatt (5) mill-Aġenzija tal-UE għall-Ambjent. Il-KESE jqis li hija prijorità għall-Istati Membri li jinvestu riżorsi sinifikanti, l-ewwel b’dawk tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fl-appoġġ għan-negozji li jeħtieġ li jikkonvertu l-attivitajiet tagħhom, fir-riallokazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u fl-appoġġ għall-imprendituri, b’mod partikolari għall-imprendituri żgħażagħ, li beħsiebhom jinvestu f’negozji ekoloġiċi.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Lejn involviment strutturat min-naħa taż-żgħażagħ dwar il-klima u s-sostenibbiltà fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 46).

(3)  https://www.lifecycleinitiative.org/starting-life-cycle-thinking/what-is-life-cycle-thinking/

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni (ĠU C 100, 16.3.2023. p. 38).

(5)  https://www.eea.europa.eu/policy-documents/swd-2020-176-final-part


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kostruzzjoni bl-injam għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tal-bini”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Żvediża)

(2023/C 184/04)

Relatur:

Rudolf KOLBE

Korelatur:

Sam HÄGGLUND

Konsultazzjoni

Presidenza Żvediża, 14.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

14.12.2022

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

153/2/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis il-materjali tal-bini b’bażi bijoloġika bħala lieva importanti għat-tranżizzjoni ekoloġika. Iż-żieda fl-użu tal-injam fil-kostruzzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju trid titħeġġeġ permezz ta’ ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fl-UE, u mhux tiġi mfixkla minn restrizzjonijiet politiċi.

1.2.

Fid-dawl tar-rwol eżemplari li jaqdi s-settur pubbliku, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jżidu l-użu tal-injam fil-bini pubbliku, li huwa taħt il-medja ġenerali.

1.3.

Il-KESE jqis ukoll li miżuri ta’ appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni dwar materjali alternattivi tal-bini u li huma faċilment aċċessibbli għall-SMEs huma mezz importanti biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-kostruzzjoni bl-injam.

1.4.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-ostakli għall-kostruzzjoni bl-injam li jirriżultaw minn rekwiżiti formali, legali u tekniċi jiġu skrutinizzati biex jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa għall-kwalità tal-ippjanar, u jsostni li l-innovazzjoni trid tingħata l-opportunità li tlaħħaq mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, mhux biss billi tilħaq l-istandards, iżda wkoll billi tuża “soluzzjonijiet alternattivi ekwivalenti”.

1.5.

Peress li regolamenti differenti dwar il-bini jirriżultaw ukoll f’ostakli għall-użu ta’ materjali rinnovabbli tal-bini, il-KESE jipproponi miżuri għall-istandardizzazzjoni tagħhom u jqis il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala xprun importanti.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda l-użu konsistenti tal-kontabbiltà ekoloġika għall-valutazzjoni kwalifikata tas-sostenibbiltà tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini u t-tqabbil tal-impatti ambjentali.

1.7.

Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-istandards minimi għall-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini u r-rapportar obbligatorju korrispondenti dwar il-karbonju fis-settur tal-kostruzzjoni.

1.8.

Il-KESE jqis id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) bħala l-istrument ta’ politika ewlieni biex jiġu stabbiliti rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tul il-ħajja tal-bini. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa skema ta’ ċertifikazzjoni tal-karbonju li tqis bis-sħiħ ir-rwol tal-prodotti tal-injam fil-kumpens għall-emissjonijiet.

1.9.

Il-KESE jemmen li t-trasferiment ta’ għarfien – kif previst mill-Akkademja tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida – kif ukoll l-opportunitajiet korrispondenti ta’ edukazzjoni u taħriġ ulterjuri fil-livell nazzjonali huma indispensabbli. Edukazzjoni u taħriġ ulterjuri dwar l-użu ta’ metodi u materjali sostenibbli ġodda ta’ kostruzzjoni huma meħtieġa għal dawk kollha involuti fil-proċess tal-kostruzzjoni: organizzaturi, periti, inġiniera, tekniċi, speċjalisti tal-IT u ħaddiema tal-kostruzzjoni.

1.10.

Fil-fehma tal-KESE, il-proċeduri ta’ akkwist ibbażati fuq il-kwalità, li jinkludu l-kriterji tas-sostenibbiltà u taċ-ċiklu tal-ħajja, kif ukoll l-għażla ta’ proċeduri adatti ta’ akkwist li jippermettu soluzzjonijiet innovattivi, huma prerekwiżit biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u tiġi promossa l-kostruzzjoni bl-injam. Għalhekk, il-KESE jappella kemm għal impenn legali aktar b’saħħtu għal kompetizzjoni ta’ kwalita u akkwist pubbliku li ma jagħmilx ħsara lill-klima, kif ukoll għal miżuri biex l-awtoritajiet kontraenti jitħarrġu b’mod adatt.

1.11.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw fl-Inizjattiva Wood POP tal-Gvern Awstrijak u dak Finlandiż, li għandha l-għan li timmobilizza atturi pubbliċi u privati fis-settur tal-injam fil-livell nazzjonali u reġjonali u li tappoġġja r-riorjentazzjoni tal-investimenti lejn soluzzjonijiet sostenibbli b’bażi bijoloġika u ktajjen tal-valur ibbażati fuq l-injam.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

It-tradizzjoni tal-kostruzzjoni bl-injam għandha storja ta’ innovazzjoni li tmur lura sekli sħaħ. Fost l-oħrajn, l-użu ta’ materjali sostenibbli ġie inkluż fl-ideat tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (1).

2.2.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li materjali (tal-kostruzzjoni) innovattivi, b’bażi bijoloġika, sostenibbli u prodotti permezz ta’ proċessi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huma tal-akbar importanza fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika. Skont ir-rapport dwar il-bini tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) (2), il-bini bħalissa huwa responsabbli għal 33 % (2021) tal-emissjonijiet globali tas-CO2. Il-maġġoranza tal-emissjonijiet hija relatata direttament u indirettament mal-operazzjonijiet tal-bini, iżda 6,4 % (2021) huma kkawżati mill-kostruzzjoni u l-produzzjoni ta’ materjali tal-bini. It-trasport, it-twaqqigħ u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura mhumiex inklużi hawnhekk. L-emissjonijiet li jirriżultaw mit-trasport huma allokati għas-settur tat-trasport. Jista’ jitqies li l-emissjonijiet attwali huma ogħla minħabba l-kostruzzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-bini huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE, u għal madwar terz tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra huwa prinċipalment dovut għal miżuri fil-qasam tar-rinnovazzjoni enerġetika tal-binjiet, is-sehem dejjem akbar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u t-tiġdid tas-sistemi tat-tisħin. Madankollu, dan huwa kkuntrastat minn għadd dejjem akbar ta’ residenzi primarji u spazju tal-art residenzjali akbar għal kull abitazzjoni.

2.3.

Il-KESE jissottolinja l-importanza enormi tal-foresti għall-ħajja tan-nies fid-dinja. Pereżempju, l-400 biljun siġra tal-Ewropa jassorbu kważi 9 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Ewropa. Il-KESE huwa konxju li d-deforestazzjoni hija problema globali enormi, iżda r-riżorsi tal-foresti qed jiżdiedu fl-UE. Bejn l-1990 u l-2020, iż-żona tal-foresti żdiedet b’9 % u l-volum tal-injam fil-foresti Ewropej żdied b’50 %. (3) Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza din il-problema globali u jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu promossi foresti b’saħħithom u li qed jikbru fl-Unjoni. Iż-żieda fl-użu tal-injam fil-kostruzzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju għandha titħeġġeġ permezz ta’ ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti fl-UE, u mhux tiġi mfixkla minn restrizzjonijiet politiċi.

2.4.

Għalhekk, il-KESE jsostni li l-isfruttar tal-potenzjal tal-kostruzzjoni bl-injam (kemm il-kostruzzjoni bl-injam mastizz kif ukoll dik mhux bl-injam mastizz) għall-azzjoni dwar il-klima jrid ikun inseparabbli mill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Fil-proġett Awstrijak CAREFORParis (4), li fih ikkollaboraw iċ-Ċentru Federali tar-Riċerka dwar il-Foresti (BFW), l-Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja (BOKU), l-organizzazzjoni Wood K Plus u l-Aġenzija Federali għall-Ambjent, inħolqu u ġew analizzati xenarji differenti ta’ ġestjoni tal-foresti. Ix-xenarji jassumu tibdil fil-klima u strateġiji ta’ adattament differenti għall-foresti Awstrijaċi u juru żviluppi possibbli sas-sena 2150. L-impatt tal-karbonju tal-foresti u tal-prodotti tal-injam, kif ukoll l-evitar tal-emissjonijiet tas-CO2 permezz tal-użu ta’ prodotti tal-injam ġew analizzati f’aktar dettall. L-interazzjoni tat-tkabbir tal-foresti, l-użu tal-injam u l-prevenzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz tal-użu ta’ prodotti tal-injam twassal għal bilanċ pożittiv tal-gassijiet serra. Il-foresti tal-Ewropa huma bir ta’ karbonju importanti. Bejn l-2010 u l-2020, is-sekwestru annwali medju tal-karbonju fil-bijomassa tal-foresti laħaq il-155 miljun tunnellata fir-reġjun Ewropew. Fl-UE-28, is-sekwestru huwa ekwivalenti għal 10 % tal-emissjonijiet grossi tal-gassijiet serra (5). L-akbar lieva għall-azzjoni dwar il-klima hija s-sostituzzjoni tal-materja prima u s-sorsi tal-enerġija fossili bl-injam (bħala materjal u enerġija) u l-emissjonijiet evitati b’dan il-mod. Il-provvista tal-injam għas-sostituzzjoni ta’ materjali b’emissjonijiet ogħla tul iċ-ċiklu tal-ħajja hija għalhekk miżura importanti għall-azzjoni dwar il-klima.

2.5.

L-enerġija inkorporata hija l-enerġija li trid tintuża għall-produzzjoni, il-ħżin, it-trasport, l-installazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rimi ta’ materjali jew komponenti u bini. Meta mqabbel ma’ materjali konvenzjonali oħra tal-bini, l-injam jissekwestra l-karbonju qabel ma jintuża bħala materjal tal-bini (siġra tikkonsisti f’madwar 50 % karbonju pur). Meta jitqies il-bilanċ tal-emissjonijiet tal-injam, il-fatturi tal-oriġini, id-distanza tat-trasport u t-tip ta’ pproċessar kif ukoll l-użu mill-ġdid, huma ta’ importanza essenzjali. It-tqabbil ta’ bini ekwivalenti – meqjus tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja – juri li l-injam, b’kuntrast ma’ materjali oħra tal-bini, jagħti prestazzjoni aħjar f’termini ta’ enerġija inkorporata, emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tniġġis tal-arja u tal-ilma, u indikaturi oħra tal-impatt. Il-prodotti tal-injam li bħalissa huma prodotti kull sena (jiġifieri l-injam użat bħala materjal) jevitaw madwar 10 % tal-emissjonijiet annwali totali tal-gassijiet serra permezz tal-effett ta’ sostituzzjoni biss.

2.6.

F’termini konkreti, il-bini bl-injam jista’ jiffranka sa 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 meta mqabbel mal-konkrit. Jekk tiġi applikata l-konverżjoni minn volum għal piż rakkomandata minn Hagauer et al. (2009) (6), il-piż xott ta’ metru kubu (m3) ta’ injam (injam artab u injam iebes imħallat) huwa 417 kg. Jekk nassumu li l-kontenut tal-karbonju huwa ta’ 50 %, l-ekwivalenti ta’ CO2 huwa ta’ 0,765 tunnellata għal kull m3. Dan ifisser li l-ħsad ta’ miljun metru kubu addizzjonali ta’ injam lest għall-użu jippermetti s-sekwestru ta’ 0,765 miljun tunnellata ta’ CO2 fi prodotti durabbli.

2.7.

Is-sehem tal-bini tal-injam żdied f’dawn l-aħħar snin. Fl-Awstrija, pereżempju, is-sehem tal-kostruzzjoni bl-injam (7) żdied b’aktar minn 70 % fi żmien 20 sena, ufl-2018 kien jirrappreżenta 24 % tal-art utli mibnija. 53 % ta’ dawn il-binjiet kienu fis-settur residenzjali, 11 % fis-settur kummerċjali u industrijali u 29 % kienu binjiet mibnija apposta fis-settur agrikolu. B’paragun ma’ dan, is-sehem tal-kostruzzjoni bl-injam fis-settur tal-bini pubbliku kien biss ta’ 7 %. Fl-Iżvezja u fil-Finlandja, 90 % tad-djar ġodda kollha għal familja waħda, u madwar 20 % tad-djar ġodda għal aktar minn familja waħda huma mibnija bl-injam.

2.8.

Id-densifikazzjoni tal-bliet hija għodda importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u inevitabbilment tmur id f’id ma’ żieda fl-għoli tal-bini. Attwalment jeżistu proġetti li juru li huwa possibbli li jinbnew binjiet għoljin ħafna bl-injam. Xi eżempji jinkludu s-Sara Cultural Centre fl-Iżvezja b’20 sular u għoli ta’ 75 m (8), u l-Ascent Tower f’Milwaukee bi 18-il sular tal-injam (9).

2.9.

Is-sistemi tal-bini bl-injam tal-lum jistgħu jiġu adattati faċilment biex jipprovdu soluzzjonijiet komprensivi għar-rinnovazzjoni tal-bini, għall-ħolqien ta’ djar ta’ kwalità għolja u għall-kisba ta’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija. Il-proġetti ta’ rinnovazzjoni mhux biss jieħdu vantaġġ mill-infrastruttra urbana faċilment disponibbli, iżda wkoll jisfruttaw l-enerġija inkorporata li diġà tinsab fl-istokk tal-bini eżistenti.

2.10.

L-użu ta’ riżervi eżistenti minflok iż-żieda ta’ bini ġdid ifisser użu aktar effiċjenti tar-riżorsi li belt għandha x’toffri, u għalhekk irid jiġi dejjem ipprijoritizzat. Il-vantaġġi huma l-veloċità tal-assemblaġġ u tal-assemblaġġ tal-komponenti, ir-relazzjoni aħjar bejn il-kapaċità tat-tagħbija u l-piż meta mqabbla ma’ materjali oħra u, għalhekk, piż komparattivament baxx fuq il-kostruzzjoni eżistenti.

2.11.

Barra minn hekk, l-injam huwa adattat għall-użu kaskata. Il-fatt li hemm diversi stadji ta’ użu jżid il-valur miżjud, inaqqas il-konsum tar-riżorsi u jippermetti s-sekwestru tas-CO2 għal perjodu itwal.

2.12.

Ir-rekwiżiti formali, legali u tekniċi li japplikaw għall-kwalità tal-ippjanar fil-qasam tal-kostruzzjoni bl-injam huma komparattivament ogħla u aktar estensivi milli għal metodi oħra ta’ kostruzzjoni. Dan il-livell ta’ kumplessità jfixkel iż-żieda tas-sehem fis-suq tal-kostruzzjoni bl-injam. L-istandardizzazzjoni ta’ komponenti, konnessjonijiet u assemblaġġi tista’ tappoġġja l-implimentazzjoni u tiżgura l-kosteffettività u l-kwalità. Inizjattiva eżistenti hija l-bażi tad-data dataholz.eu, li tpoġġi għad-dispożizzjoni online komponenti u ġonot ta’ komponenti għall-kostruzzjoni li ġew ittestjati għall-Ġermanja u l-Awstrija. Fil-prinċipju, il-KESE jsostni li l-innovazzjoni fil-kostruzzjoni bl-injam trid tingħata l-opportunità fis-setturi kollha biex tilħaq l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku mhux biss permezz ta’ standards eżistenti, iżda wkoll permezz tal-użu ta’ “soluzzjonijiet alternattivi ekwivalenti”.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jinnota li, bis-saħħa tal-istandardizzazzjoni, il-preċiżjoni u l-kwalità tagħhom, is-sistemi tal-kostruzzjoni bl-injam huma adattati sew kemm għal kostruzzjoni ġdida kif ukoll għar-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti u għad-densifikazzjoni urbana. Fost il-ħafna vantaġġi tagħhom hemm l-adattabilità tagħhom, il-grad għoli ta’ prefabbrikazzjoni, il-ħinijiet ta’ kostruzzjoni mqassra u l-piż aktar baxx meta mqabbel ma’ materjali oħra tal-bini.

3.2.

Kriterju ewlieni għall-valutazzjoni tal-bini huwa l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. L-impatti ambjentali jirriżultaw mill-kostruzzjoni (il-manifattura u t-trasport tal-prodotti użati għall-bini), l-użu u ż-żarmar (inkluż ir-riċiklaġġ jew ir-rimi ta’ prodotti għall-bini). L-impatti ambjentali jiġu rreġistrati permezz ta’ valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (EN 15804: 15.2.2022).

3.3.

Il-kontabbiltà ekoloġika hija għodda adatta għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini. Il-KESE jirrakkomanda li l-għodda tal-kontabbiltà ekoloġika għal valutazzjoni kwalifikata tas-sostenibbiltà tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tintuża b’mod konsistenti għall-bini biex jintwerew u jitqabblu l-impatti ambjentali tal-bini.

3.4.

F’dawn l-aħħar snin, ir-regolamenti tal-bini fir-rigward tal-użu ta’ materjali rinnovabbli tal-bini ttaffew. Il-possibbiltajiet għall-bini bl-injam ġew estiżi, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza kontra n-nirien. Bħalissa għaddejjin proġetti biex janalizzaw dan is-suġġett.

3.5.

Il-proġett ta’ riċerka TIMpuls (10), immexxi mill-Univeristà Teknika ta’ Munich (TUM), bħalissa qed jinvestiga nirien f’bini tal-injam b’ħafna sulari bil-għan li tinħoloq bażi soda għal ġabra uniformi ta’ regoli għall-kostruzzjoni ta’ bini tal-injam b’diversi sulari.

3.6.

Ir-riżultati attwali tar-riċerka u l-proġetti kompluti juru li l-kostruzzjoni bl-injam bl-ebda mod ma hija inferjuri meta mqabbla ma’ metodi oħra ta’ kostruzzjoni f’termini ta’ sikurezza kontra n-nirien, u għandha wkoll vantaġġi f’termini ta’ sikurezza sismika (11).

3.7.

Minħabba regolamenti legali differenti – anke fi ħdan l-Istati Membri – spiss ikun hemm ostakli bla bżonn. Għalhekk, il-KESE jappella għal aktar armonizzazzjoni tar-regolamenti dwar il-bini bil-għan li jiġi żgurat li l-bini tal-injam ikun fuq l-istess livell ma’ materjali oħra tal-bini.

3.8.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jżidu l-użu tal-injam fil-bini pubbliku, li huwa taħt il-medja ġenerali. Is-settur pubbliku għandu rwol eżemplari fl-isfruttar tal-potenzjal tal-kostruzzjoni bl-injam biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi. B’mod partikolari, il-bini innovattiv, mibni b’mod eċċellenti u magħmul mill-injam jista’ jipprovdi sens ta’ identità u impetu għal użu akbar tal-injam.

3.9.

Fil-proċeduri ta’ akkwist, kriterji bħall-bijoekonomija, is-sostenibbiltà, il-kostijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, l-impatt fuq il-klima, eċċ., spiss ma jintużawx, jew ma jintużawx biżżejjed, biex jiġi ddeterminat l-aħjar offerent, għad-detriment tas-soluzzjonijiet tal-kostruzzjoni bl-injam. Għalhekk, il-KESE jappella għal impenn aktar b’saħħtu biex jitqiesu kriterji li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi fl-akkwist pubbliku.

3.10.

Fil-kostruzzjonijiet prefabbrikati tal-injam, l-ippjanar irid isir kważi fl-istadju tal-eżekuzzjoni sabiex ma jkun hemm l-ebda lok għall-interpretazzjoni u tiġi żgurata komparabbiltà ċara. Sabiex jinkisbu vantaġġi f’termini ta’ ottimizzazzjoni teknika u ekonomika u medda ta’ żmien ta’ eżekuzzjoni (12), il-firxa estensiva tal-prodotti kif ukoll l-influwenza mill-proċessi ta’ manifattura, loġistika u assemblaġġ iridu jitqiesu fi stadju aktar bikri meta mqabbel ma’ każijiet ta’ kostruzzjoni bi gradi baxxi ta’ prefabbrikazzjoni. Dan jista’ jsir bl-inklużjoni bikrija ta’ informazzjoni dwar l-offerent billi tintgħażel proċedura ta’ akkwist adatta, bħal kompetizzjoni arkitettonika jew djalogu kompetittiv, jew bl-involviment ta’ pjanifikaturi speċjalizzati mill-awtorità kontraenti.

3.11.

Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-promozzjoni ta’ materjali tal-bini ta’ kwalità għolja li ma jagħmlux ħsara lill-klima, u b’hekk tal-użu tal-injam fil-kostruzzjoni. Attwalment, is-sehem tal-injam bħala materjal tal-bini fl-UE huwa biss ta’ 3 %; għalhekk il-potenzjal tal-kostruzzjoni bl-injam għall-azzjoni dwar il-klima għadu ’l bogħod milli jiġi sfruttat. Għalhekk, il-KESE jqis il-miżuri ta’ appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fir-rigward ta’ materjali alternattivi tal-bini fil-qafas tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala element importanti għall-isfruttar ta’ dan il-potenzjal.

3.12.

F’ħafna każijiet, il-possibbiltajiet tal-użu tagħhom mill-utenti fis-settur tal-kostruzzjoni għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed kullimkien. Nuqqas ta’ għarfien ħafna drabi jirriżulta f’użu limitat tal-injam. Għalhekk, il-KESE jemmen li t-trasferiment tal-għarfien fl-Ewropa – kif previst mill-Akkademja tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida – huwa importanti ħafna u, fl-istess ħin, jinnota li jrid jiġi żgurat li jkun hemm provvista suffiċjenti ta’ moduli ta’ edukazzjoni u taħriġ ulterjuri rilevanti anke fil-livell nazzjonali. It-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet fl-użu ta’ metodi u -materjali sostenibbli ġodda ta’ kostruzzjoni se jkunu meħtieġa għall-kategoriji kollha ta’ ħaddiema involuti fil-proċess tal-kostruzzjoni: organizzaturi, periti, inġiniera, tekniċi, speċjalisti tal-IT u ħaddiema tal-kostruzzjoni. It-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tinkiseb biss b’nies imħarrġa b’mod adatt.

3.13.

Il-KESE jilqa’ l-proġett soċjali Ewropew konġunt RESILIENTWOOD, immexxi mill-Konfederazzjoni Ewropea tal-Industriji tax-Xogħol tal-Injam (CEI-Bois) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Bennejja u tal-Mastrudaxxi (EFBWW), li għandu l-għan li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet u linji gwida għan-negozji, dawk li jipprovdu taħriġ vokazzjonali u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn l-industrija tal-injam tal-UE, ikun hemm adattament għall-bidliet teknoloġiċi u jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema.

3.14.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li tiġi ppubblikata informazzjoni teknika sabiex l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fil-kostruzzjoni bl-injam ikun disponibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha u li jiġu stabbiliti standards tal-kostruzzjoni u dawk strutturali sabiex tiġi ffaċilitata l-kostruzzjoni bl-injam.

3.15.

Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) hija l-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE għas-settur tal-bini. Din tobbliga lill-Istati Membri tal-UE jistabbilixxu livelli ta’ prestazzjoni għall-bini tagħhom, jippjanaw b’mod strateġiku d-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini permezz ta’ strateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul u jimplimentaw miżuri addizzjonali. Għalhekk, l-EPBD hija l-għodda ta’ politika ovvja biex jiġu stabbiliti rekwiżiti u skattaturi ċari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini.

3.16.

Id-dispożizzjonijiet tal-EPBD iridu jiġu allinjati mal-objettivi tan-newtralità klimatika u jidentifikaw l-aktar miżuri importanti u urġenti li għandhom jittieħdu sal-2050. Filwaqt li huwa importanti li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bini, mingħajr fehim ċar tal-impronta tal-karbonju integrata tal-bini, hemm riskju li l-miżuri ma jkunux ottimali.

3.17.

Il-KESE jilqa’ r-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli li ġie propost fir-rebbiegħa tal-2022 bħala pass importanti lejn prodotti aktar ekoloġiċi u ċirkolari. L-istabbiliment ta’ kriterji minimi, bħat-tnaqqis tal-impronta ambjentali u klimatika tal-prodotti, jista’ japplika wkoll għall-kostruzzjoni bl-injam u joħloq opportunitajiet ekonomiċi għall-innovazzjoni, għalkemm bħalissa dan ma jiġix ikkunsidrat fir-Regolament.

3.18.

Ir-rappurtar obbligatorju dwar il-karbonju tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja għas-settur tal-kostruzzjoni se jiffaċilita l-ġbir tad-data u l-valutazzjoni komparattiva, u jippermetti lis-settur tal-kostruzzjoni jiżviluppa l-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa. Jeħtieġ li jiġu introdotti u msaħħa maż-żmien standards minimi vinkolanti għall-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa skema ta’ ċertifikazzjoni tal-karbonju li tqis bis-sħiħ ir-rwol tal-prodotti tal-injam fil-kumpens għall-emissjonijiet.

3.19.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw bis-sħiħ fl-inizjattiva l-ġdida Wood POP tal-Gvern Awstrijak u dak Finlandiż, li hija pjattaforma għall-promozzjoni tad-djalogu ta’ politika b’rabta mal-injam bil-għan li jiġu mmobilizzati atturi pubbliċi u privati ewlenin fis-settur tal-injam fil-livell nazzjonali u reġjonali, u fl-istess ħin tiġi appoġġjata r-riorjentazzjoni tal-investimenti lejn soluzzjonijiet sostenibbli b’bażi bijoloġika u ktajjen tal-valur ibbażati fuq l-injam.

3.20.

Fl-Opinjoni komplementari tiegħu CCMI/205 “Industrija 5.0 fis-settur tal-kostruzzjoni bl-injam”, il-KESE jenfasizza li l-injam bħala materjal tal-bini joffri opportunità kbira bħala alternattiva sostenibbli u kosteffettiva għall-materjali tradizzjonali bħall-konkrit u l-azzar. Benefiċċju ieħor huwa l-produttività għolja tax-xogħol, li tfisser li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma aktar rapidi u aktar effiċjenti. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni bl-injam toffri opportunitajiet ta’ impjieg fiż-żoni rurali. Il-kostruzzjoni bl-injam toffri benefiċċji ambjentali, peress li l-injam huwa riżorsa rinnovabbli u, meta mqabbel ma’ materjali oħra, jipproduċi inqas emissjonijiet tal-karbonju fil-produzzjoni u matul iċ-ċiklu tal-ħajja. Il-kostruzzjoni bl-injam tippromovi wkoll il-konservazzjoni u l-manutenzjoni tal-foresti u b’hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-gassijiet serra.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 275, 18.7.2022, p. 73; ĠU C 155, 30.4.2021, p. 73.

(2)  AEI (2022) Buildings – Sectorial overview (Il-Bini: ħarsa ġenerali settorjali, mhux disponibbli bil-Malti), https://www.iea.org/reports/buildings.

(3)  https://foresteurope.org/wp-content/uploads/2016/08/SoEF_2020.pdf.

(4)  Weiss P., Braun M., Fritz D., Gschwantner T., Hesser F., Jandl R., Kindermann G., Koller T., Ledermann T., Ludvig A., Pölz W., Schadauer K., Schmid B.F., Schmid C., Schwarzbauer P., Weiss G. 2020: Endbericht zum Projekt CareforParis. [Rapport finali tal-Proġett CAREFORParis, mhux disponibbli bil-Malti], Fond għall-Klima u l-Enerġija, Vjenna.

(5)  https://foresteurope.org/wp-content/uploads/2016/08/SoEF_2020.pdf.

(6)  Hagauer, D., B. Lang, C. Pasteiner u K. Nemesthoty, 2009, Empfohlene Umrechnungsfaktoren für Energieholzsortimente bei Holz- bzw. Energiebilanzberechnungen. (Fatturi ta’ konverżjoni rakkomandati għal prodotti tal-injam għall-enerġija fil-kalkoli tal-bilanċ tal-injam u tal-enerġija, mhux disponibbli bil-Malti). Ministeru Federali għall-Agrikoltura, il-Forestrija, l-Ambjent u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Dipartiment V/10 – Enerġija u Ekonomija Ambjentali, pubblikazzjoni interna, Vjenna.

(7)  Holzbauanteil in Österreich. Eine statistische Erhebung aller Hochbauvorhaben in den Jahren 1998 – 2008 – 2018. (Is-sehem tal-kostruzzjoni bl-injam fl-Awstrija. Stħarriġ statistiku tal-proġetti kollha tal-kostruzzjoni tal-bini fl-1998 – 2008 – 2018., mhux disponibbli bil-Malti). Robert Stingl, Gabriel Oliver Praxmarer, Alfred Teischinger, l-Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja ta’ Vjenna, ikkummissjonat minn proHolz Austria.

(8)  Ara Sara Cultural Centre, Skellefteå, l-Iżvezja, White Arkitekter 2021.

(9)  Ara Ascent Tower, Milwaukee, WIEHAG, l-Awstrija, 2021.

(10)  www.cee.ed.tum.de/hbb/forschung/laufende-forschungsprojekte/timpuls (sit aċċessat fit-23.1.2023).

(11)  Ara l-Proġett ta’ riċerka dwar is-sikurezza sismika tal-bini tal-injam, l-Università tax-Xjenza Applikata ta’ Bern, 2020 www.bfh.ch/de/forschung/referenzprojekte/erdbebensicherheit-holzgebaeude (sit aċċessat fit-23.1.2023).

(12)  Ara l-Proġett ta’ riċerka leanWOOD – Mudelli ġodda ta’ kooperazzjoni u ta’ proċess għall-kostruzzjonijiet prefabbrikati tal-injam, l-Università tax-Xjenza Applikata ta’ Lucerne HSLU, 2017.


ANNESS

Opinjoni komplementari tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali – “Industrija 5.0 fis-settur tal-kostruzzjoni bl-injam” jinsab fil-paġni li jmiss.

Opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali dwar “Industrija 5.0 fis-settur tal-kostruzzjoni bl-injam”

(opinjoni komplementari għal TEN/794)

Relatur:

Martin BÖHME

Korelatur:

Rolf GEHRING

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.11.2022

Bażi legali

Artikolu 56(1) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni komplementari

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adozzjoni fis-CCMI

27.2.2023

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

29/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li l-użu tal-injam bħala materjal tal-bini jirrappreżenta opportunità kbira, peress li huwa alternattiva sostenibbli u kosteffettiva u jikkomplementa l-materjali tal-bini tradizzjonali bħall-konkrit u l-azzar. Vantaġġ ieħor huwa l-produttività għolja tax-xogħol tal-kostruzzjoni bl-injam peress li tippermetti kostruzzjoni ta’ bini aktar mgħaġġla u effiċjenti. Il-possibbiltà ta’ prefabbrikazzjoni ta’ komponenti fil-fabbrika tnaqqas ukoll il-kostijiet u żżid is-sikurezza fil-kostruzzjoni.

1.2.

L-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-tagħlim tul il-ħajja tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni bl-injam huma importanti aktar minn qatt qabel. L-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu r-riżultat ta’ djalogu soċjali bl-involviment tal-imsieħba soċjali kollha.

1.3.

Il-KESE jara opportunitajiet kbar għall-ħaddiema, speċjalment fiż-żoni rurali, fl-iżvilupp tas-settur tal-kostruzzjoni bl-injam. L-impjiegi deċenti fl-industrija tal-injam u fil-kostruzzjoni bl-injam jistgħu jgħinu biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika fiż-żoni rurali fejn l-industrija tal-injam għandha rwol importanti.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-ħafna benefiċċji ambjentali li jirriżultaw mill-kostruzzjoni bl-injam. Wieħed mill-akbar vantaġġi huwa l-fatt li l-injam huwa materja prima rinnovabbli li tipproduċi emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2 minn materjali oħra tal-bini fil-produzzjoni ta’ komponenti u bini, u tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, l-użu tal-injam fl-industrija tal-kostruzzjoni jippromovi l-preservazzjoni u l-manutenzjoni tal-foresti, billi jipprovdi inċentivi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. L-injam jassorbi u jaħżen is-CO2 mill-atmosfera matul il-perjodu tat-tkabbir tiegħu. Għalhekk, meta jintuża bħala materjal tal-bini, isir materjal tal-bini ekoloġiku u jikkontribwixxi għat-tnaqqis ġenerali tal-gassijiet serra.

1.5.

Il-KESE jirreferi għall-pubblikazzjonijiet reċenti tiegħu dwar il-kostruzzjoni u l-prodotti tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari l-Opinjonijiet dwar Kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini (1), u dwar Kostruzzjoni bl-injam għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tal-bini (2).

1.6.

L-użu tal-injam fis-settur tal-kostruzzjoni jsaħħaħ il-fehma dwar l-imġiba antisiżmika tal-injam, kif intwera f’ċerti każijiet bħat-terremot fl-Alaska fl-1964. Il-KESE jemmen li n-nies li jgħixu f’żoni suxxettibbli għat-terremoti għandhom jiġu mħeġġa jużaw l-injam bħala materjal tal-bini.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Din l-Opinjoni tikkomplementa l-kummenti ġenerali li saru fl-Opinjoni TEN/794 dwar Kostruzzjoni bl-injam għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tal-bini.

2.2.

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa kontributur ewlieni għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għalhekk fattur importanti f’termini ta’ ħsara klimatika. L-emissjonijiet huma prinċipalment ikkawżati mill-użu tal-fjuwils fossili biex jiġġeneraw is-sħana u l-elettriku fil-bini u mill-produzzjoni ta’ materjali tal-bini. Hemm ħtieġa kbira ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur tal-kostruzzjoni, eż., permezz tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini u l-użu ta’ materjali tal-bini sostenibbli (3).

2.3.

Il-KESE jenfasizza li sabiex tiżdied l-importanza tal-injam prodott b’mod sostenibbli bħala materjal tal-bini fl-industrija tal-kostruzzjoni, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tal-foresti għall-produzzjoni tal-injam bħala materja prima. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tirreferi għall-ġestjoni u l-użu tal-foresti b’tali mod li jagħmilhom ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Dan ifisser li l-foresti jiġu ppreservati kemm għall-ġenerazzjonijiet attwali kif ukoll għal dawk futuri u li r-riżorsi naturali jintużaw b’mod responsabbli. Komponent importanti tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti huwa l-preservazzjoni tad-diversità bijoloġika u s-servizzi tal-ekosistema tal-foresti. Huwa importanti wkoll li titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-foresti għal disturbi naturali bħan-nirien fil-foresti u l-infestazzjonijiet mill-insetti.

2.4.

Mil-lat tekniku, għandu jiġi nnutat li l-kostruzzjoni bl-injam teħtieġ ferm inqas użu tal-hekk imsejħa “enerġija inkorporata” meta mqabbla ma’ materjali oħra tal-bini bħall-konkrit. L-enerġija inkorporata tirreferi għall-enerġija li tintuża għall-produzzjoni, it-trasport, il-ħżin u r-riċiklaġġ ta’ prodotti. It-tnaqqis fl-enerġija inkorporata jfisser li tintuża inqas enerġija għal dawn il-proċessi, li jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u konsum tal-enerġija aktar sostenibbli u jista’ jgħin ukoll biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji. It-tnaqqis fl-enerġija inkorporata jista’ jgħin ukoll biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji.

2.5.

Il-KESE jinnota li l-leġiżlazzjoni kultant ixxekkel l-iżvilupp tal-kostruzzjoni bl-injam billi tirrestrinġi l-użu tal-injam bħala materjal tal-bini jew jimponu ċerti regolamenti u standards li jkunu diffiċli jew għaljin għall-implimentazzjoni tal-kostruzzjoni bl-injam. Eżempju ta’ dan huwa l-limitu tal-għoli għall-bini tal-injam, li huwa stabbilit f’xi pajjiżi. Dan jista’ jillimita l-possibbiltajiet ta’ kostruzzjoni bl-injam u jxekkel l-iżvilupp ta’ kostruzzjonijiet innovattivi bl-injam. Fil-qasam tal-protezzjoni tal-bini kontra n-nirien, mhuwiex aċċettabbli li l-injam ikollu regoli ta’ prestazzjoni differenti minn dawk għal materjali oħra. Il-KESE jirrakkomanda l-omoġenizzazzjoni tar-regoli fil-livell Ewropew, irrispettivament mill-materjal.

2.6.

Il-kostruzzjoni bl-injam tista’ tagħti kontribut importanti għal ekonomija aktar ċirkolari u b’mod partikolari għall-objettiv ta’ ekonomija b’bażi aktar bijoloġika, kif stabbilit fil-politiki rilevanti tal-UE. Il-firxa ta’ applikazzjonijiet u l-proprjetajiet materjali tal-injam u tal-prodotti bbażati fuq l-injam hemm bżonn jiġu żviluppati aktar f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, ir-riċiklabbiltà tal-prodotti tal-injam għandha rwol essenzjali b’rabta ma’ dan. Iżda anke l-kombinazzjoni tal-injam ma’ materjali oħra se ssir aktar rilevanti. L-azzjoni, ikkoordinata u appoġġjata fil-livell Ewropew, għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka fl-oqsma tal-proprjetajiet tal-materjali u l-materjali komposti tista’ taqdi wkoll rwol importanti f’dan ir-rigward u tħeġġeġ l-innovazzjoni.

2.7.

It-trasformazzjoni tal-industriji tagħna lejn il-kunċett tal-Industrija 5.0 għandha bażi soċjali, iżda għandha aspett tekniku b’saħħtu wkoll. Id-diġitalizzazzjoni (building-information-modeling), ir-robotizzazzjoni u l-użu tat-tagħlim awtomatiku (intelliġenza artifiċjali) se jittrasformaw il-katina tal-valur kollha, mill-forestrija sal-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u r-riċiklaġġ. Dan jirrikjedi qafas legali fir-rigward tar-rekwiżiti ġenerali tal-prodotti, ir-rekwiżiti għall-prodotti għall-bini u l-istandardizzazzjoni. Jeħtieġ li jkunu kkoordinati fil-qasam tal-kostruzzjoni bl-injam. F’konformità mal-objettivi soċjali deskritti għall-Industrija 5.0, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-kunċetti tal-organizzazzjoni tax-xogħol għandhom isegwu approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għad-disinn tat-teknoloġija. Se jkun importanti wkoll li jitqiesu b’mod sistematiku l-effetti pożittivi jew negattivi potenzjali għal ambjent tax-xogħol u tal-għajxien tajjeb għas-saħħa sa mill-ewwel pass tal-iżvilupp teknoloġiku.

2.8.

Il-KESE jinnota li l-bidliet teknoloġiċi u materjali fil-kostruzzjoni bl-injam se jbiddlu wkoll l-organizzazzjoni tax-xogħol u r-rekwiżiti tal-kwalifiki. Dan joħloq trikkib bejn is-settur tal-kostruzzjoni b’materjali oħra u dak tal-kostruzzjoni bl-injam u bejn okkupazzjonijiet tradizzjonali f’dawn iż-żewġ setturi. L-adattament tal-kurrikuli eżistenti għall-professjonijiet individwali, jew saħansitra t-tfassil mill-ġdid tal-professjonijiet, huwa għalhekk rekwiżit li għandu jiġi kkoordinat fil-livell Ewropew. L-objettiv ta’ impjiegi attraenti b’firxa wiesgħa ta’ kompiti u l-organizzazzjoni tax-xogħol korrispondenti se jikkontribwixxu wkoll biex is-setturi tal-kostruzzjoni u tal-injam isiru aktar attraenti.

2.9.

Il-KESE jemmen li minħabba l-bidliet rapidi fil-metodi ta’ ħidma (id-diġitalizzazzjoni, ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali, il-makkinarji ġodda), l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja tal-forza tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni bl-injam saru importanti aktar minn qatt qabel. L-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu r-riżultat ta’ djalogu soċjali bl-involviment tal-imsieħba soċjali kollha.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Huwa mistenni li ż-żieda fir-rata tal-kostruzzjoni bl-injam tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur reġjonali u t-tnaqqis tal-impronta ekoloġika. Mil-lat materjali, il-kostruzzjoni bl-injam hija kontribut effettiv ħafna għall-iżvilupp tal-bijoekonomija, b’mod partikolari jekk ikun hemm enfasi akbar fuq il-manutenzjoni u l-konservazzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-kostruzzjoni bl-injam, inkluż id-disinn. Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati effetti ta’ rilokazzjoni tal-impatti ambjentali, l-injam għandu jinxtara biss minn postijiet li għandhom żoni forestali ċċertifikati (sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-foresti FSC u PEFC) li l-potenzjal tal-injam mhux maħdum tagħhom jaqbeż id-domanda tagħhom stess.

3.2.

Il-KESE jqis li t-tfassil tar-rekwiżiti tal-art għall-produzzjoni tal-injam u t-tip ta’ ġestjoni (intensiva, estensiva, monokulturali, organika) u l-akkwist (konvenzjonali jew sostenibbli) huma ta’ importanza ewlenija għas-sostenibbiltà tal-kostruzzjoni bl-injam b’mod ġenerali. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ żieda mixtieqa fis-sehem tal-kostruzzjoni bl-injam fis-settur tal-bini, huwa kruċjali li l-objettivi tas-sostenibbiltà u l-bijodiversità jitqiesu b’mod konsistenti meta jiżdied is-sehem tal-art u l-art tiġi kkonvertita għall-produzzjoni tal-injam.

3.3.

Testijiet prattiċi juru li, mil-lat ekoloġiku, il-kostruzzjoni bl-injam tidher li hija aktar vantaġġuża b’mod ġenerali minn metodi oħra ta’ kostruzzjoni bħall-kostruzzjoni bil-konkrit rinfurzat. B’mod partikolari, l-indikatur tal-impatt għall-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ tisħin globali jindika prestazzjoni aħjar tal-kostruzzjoni bl-injam, li tirrappreżenta biss 57 % tal-potenzjal tal-kostruzzjoni bil-konkrit rinfurzat (4).

3.4.

Il-KESE jisħaq li l-evalwazzjoni tal-istudji li jagħmlu distinzjoni bejn il-kostruzzjoni bl-injam u l-kostruzzjoni b’materjali oħra solidi wriet li l-kostruzzjoni bl-injam għandha impatt ambjentali aktar baxx fi kważi l-każijiet kollha għall-indikaturi tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (a) id-domanda għall-enerġija primarja (totali u mhux rinnovabbli) u (b) il-potenzjal ta’ tisħin globali. Dan huwa indipendenti mill-materjali tal-bini li jintgħażlu għall-kostruzzjoni solida u t-tip ta’ kostruzzjoni fi ħdan il-kostruzzjoni bl-injam (5).

3.5.

Il-livell ta’ prefabbrikazzjoni fil-kostruzzjoni bl-injam huwa ħafna ogħla minn dak fil-kostruzzjoni solida. B’riżultat ta’ dan, ix-xogħol fuq is-sit tal-kostruzzjoni huwa inqas dipendenti mit-temp, u proporzjon akbar ta’ fabrikazzjoni sseħħ f’kundizzjonijiet tax-xogħol ottimali fiż-żona tax-xogħol. Madankollu, il-livell ogħla ta’ integrazzjoni vertikali tirrikjedi sforz akbar ta’ ppjanar u għalħekk perjodu ta’ ppjanar itwal.

3.6.

Il-KESE jinnota li żmien iqsar ta’ kostruzzjoni fil-kostruzzjoni bl-injam ifisser tnaqqis tal-spejjeż ġenerali tas-sit u taż-żamma ta’ makkinarju fuq il-post. Il-prefabbrikazzjoni tippermetti numru mnaqqas ta’ traġitti lejn is-sit tal-kostruzzjoni. B’mod partikolari f’żoni b’potenzjal urban, il-kostruzzjoni bl-injam tista’ tintuża biex jinħoloq spazju residenzjali ġdid f’qasir żmien, eż., billi jiżdiedu s-sulari u jsiru estensjonijiet.

3.7.

Il-kostruzzjoni bl-injam tippermetti żoni residenzjali akbar bl-istess dimensjonijiet esterni. Dan għaliex fil-kostruzzjoni bl-injam, il-livell ta’ iżolazzjoni ħafna drabi huwa integrat fl-istruttura ta’ appoġġ, filwaqt li fil-kostruzzjoni b’materjali oħra solidi, tintuża struttura separata. B’riżultat ta’ dan, ħajt estern irqaq fil-kostruzzjoni bl-injam huwa possibbli u jissostitwixxi l-istess ħxuna ta’ iżolazzjoni.

3.8.

Il-KESE jistenna li l-kostruzzjoni bl-injam toffri potenzjal addizzjonali f’tipi oħra ta’ użu tal-bini fis-settur mhux residenzjali (eż., bini ta’ uffiċċji, imħażen u laboratorji), kif ukoll fil-bini residenzjali.

3.9.

Il-KESE jinnota li, bħal fil-forom kollha ta’ kostruzzjoni, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ kostruzzjoni ta’ kwalità għolja huma ta’ importanza kbira għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-kostruzzjoni. Dan jirrikjedi b’mod partikolari periti u inġiniera mħarrġa sew u direttiva Ewropea dwar l-ippjanar biex tappoġġja l-professjonijiet bil-qafas regolatorju t-tajjeb. Fis-settur tal-ippjanar b’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li l-kuntratti tas-servizzi jingħataw skont kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità, permezz ta’ aġġustamenti legali u t-taħriġ adegwat lill-entitajiet kontraenti (6).

3.10.

Filwaqt li jitqiesu l-aħħar effetti tat-terremoti fit-Turkija, iżda wkoll terremoti preċedenti, u anke l-previżjonijiet tal-esperti għall-avvenimenti futuri, il-KESE jemmen li n-nies li jgħixu f’żoni suxxettibbli għat-terremoti għandhom jiġu mħeġġa jibnu djar u proprjetajiet immobbli tal-injam.

3.11.

Fil-kumpaniji tal-manifattura, il-proċessi tal-produzzjoni jistgħu jiġu ottimizzati u ssemplifikati permezz tal-użu tat-teknoloġiji mill-Industrija 5.0, u jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-użu tal-enerġija u għalhekk tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-proċess tal-produzzjoni. Barra minn hekk, il-prefabbrikazzjoni tal-komponenti fil-fabbrika tippermetti li s-sit tal-kostruzzjoni jsir aktar effiċjenti u jkun hemm inqas skart, peress li l-komponenti jiġu mmuntati biss ladaraba fuq il-post. Dan inaqqas il-konsum tal-enerġija għat-trasport u jnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart (7).

Brussell, is-27 ta’ Frar 2023.

Pietro Francesco DE LOTTO

Il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali


(1)  ĠU C 75, 28.2.2023, p. 159.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Kostruzzjoni bl-injam għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tal-bini (ara l-ĠU, p. 18).

(3)  Ara Kreislaufwirtschaft für die Dekarbonisierung des EU-Bausektors – Modellierung ausgewählter Stoffströme und Treibhausgasemissionen (L-ekonomija ċirkolari għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni tal-UE – Immudellar ta’ flussi ta’ materjali magħżula u emissjonijiet ta’ gassijiet serra [mhux disponibbli bil-Malti]). Meta Thurid Lotz, Andrea Herbst, Matthias Rehfeldt.

(4)  https://www.berlin.de/nachhaltige-beschaffung/studien/holz-versus-stahlbetonbauweise/.

(5)  Potentiale von Bauen mit Holz (Il-potenzjali ta’ kostruzzjoni bl-injam [mhux disponibbli bil-Malti]). Aġenzija Ġermaniża għall-Ambjent, paġna 25.

(6)  Ara Holzbau vs. Massivbau – ein umfassender Vergleich zweier Bauweisen im Zusammenhang mit dem SNBS Standard (Il-kostruzzjoni bl-injam imqabbla ma’ kostruzzjoni solida b’materjal ieħor – paragun komprensiv ta’ żewġ metodi ta’ kostruzzjoni fil-kuntest tal-istandard SNBS [mhux disponibbli bil-Malti]). Daniel Müller.

(7)  Ara Koppelhuber, J., Bok, M. (2019). Paradigmenwechsel im Hochbau (Bidla fil-ħsieb fundamentali fil-kostruzzjoni tal-bini [mhux disponibbli bil-Malti]). f’ Hofstadler, C. (ed.) Aktuelle Entwicklungen in Baubetrieb, Bauwirtschaft und Bauvertragsrecht (Żviluppi attwali fl-operazzjonijiet tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-kostruzzjoni u l-liġi kuntrattwali tal-bini [mhux disponibbli bil-Malti]). Springer Vieweg, Wiesbaden. https://doi.org/10.1007/978-3-658-27431-3_19.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-577 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.3.2023–23.3.2023

25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (Att dwar Ewropa Interoperabbli)”

(COM(2022) 720 final — 2022/0379 (COD))

u dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn ‘Ewropa Interoperabbli’”

(COM(2022) 710 final)

(2023/C 184/05)

Relatur:

Vasco de MELLO

Konsultazzjoni

(a)

Parlament Ewropew, 21.11.2022

(b)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

(a)

Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(b)

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Bħall-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi hija prerekwiżit essenzjali biex jinħoloq suq uniku diġitali.

1.2.

Madankollu, it-tilħiq ta’ dan l-objettiv ma jistax ifisser li l-Istati Membri jadottaw politika li twassal għal diġitalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi pubbliċi, għad-detriment ta’ dawk ipprovduti b’mod fiżiku, u barra minn hekk għandhom jitqiesu l-aktar gruppi vulnerabbli fost iċ-ċittadini. It-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għal dawn il-gruppi tal-popolazzjoni.

1.3.

Minflok ma jnaqqas il-persunal, fil-bidu l-iżvilupp u l-operat tas-servizzi diġitali ser joħolqu ħtieġa addizzjonali għall-persunal. Persunal adegwat huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess.

1.4.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li matul il-pandemija kien hemm progress kbir fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ mudell ta’ governanza għal din il-politika, magħmul minn żewġ korpi ewlenin, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-Komunità għal Ewropea Interoperabbli.

1.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipprevedi u tħeġġeġ it-tfassil ta’ soluzzjonijiet sperimentali li jippermettu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi jew negozji ġodda, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sperimentali innovattivi li jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi u kondiviżi bejniethom.

1.7.

Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-programmi futuri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ interoperabbiltà fil-qasam tas-servizz pubbliku jagħmlu l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom taħt il-kundizzjoni li jiġu adottati l-prinċipji u l-istrutturi promossi mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

1.8.

Filwaqt li jilqa’ l-fatt li dan l-approċċ huwa parti mill-hekk imsejħa “tranżizzjoni doppja”, il-KESE jixtieq jenfasizza li xi mekkaniżmi teknoloġiċi għad-diġitalizzazzjoni jistgħu jikkunsmaw ħafna enerġija.

1.8.1.

Il-KESE jqis li, anke jekk ikunu meħtieġa prekawzjonijiet, il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tfixkel il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà, kemm mis-servizzi pubbliċi kif ukoll mill-individwi.

1.8.2.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għad-data, kemm miċ-ċittadini, min-negozji jew minn servizzi pubbliċi oħra, għandha tkun soġġetta għal livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u tiġi kkomunikata biss dik li hija assolutament meħtieġa.

2.   Kuntest

2.1.

Il-ħolqien ta’ suq intern, jiġifieri żona ta’ moviment liberu ta’ persuni, oġġetti, servizzi u kapital, jinvolvi t-tneħħija tal-ostakli nazzjonali eżistenti kollha.

2.2.

Sa mill-bidu tagħha, u saħansitra b’mod aktar vigoruż wara li nħoloq is-suq uniku, l-Unjoni Ewropea fittxet li tneħħi kwalunkwe ostaklu li jista’ jfixkel il-ħolqien ta’ suq intern ġenwin.

2.3.

Biex ikun hemm suq intern ġenwin, jeħtieġ li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess u jinteraġixxu, b’mod sempliċi u rapidu, mas-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, kemm fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali.

2.4.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ spazju miftuħ, bħal dak tal-Ewropa, teħtieġ li l-korpi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tagħha, fi kwalunkwe livell, jikkondividu d-data tagħhom u jikkooperaw bejniethom.

2.5.

Il-Kummissjoni ilha mis-snin disgħin tirsisti li twitti t-triq biex tinħoloq u tinżamm interoperabbiltà (1) jew, saħansitra, interkonnettività bejn is-servizzi pubbliċi differenti fl-Istati Membri (2).

2.6.

Din il-ħtieġa gradwalment saret aktar urġenti, hekk kif is-suq intern beda jinbidel f’dimensjoni ġdida, id-dimensjoni diġitali (3).

2.7.

Id-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta rivoluzzjoni ġenwina, kemm fid-drawwiet tan-nies kif ukoll fil-mod kif joperaw in-negozji, kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika.

2.8.

F’dawn l-aħħar snin, sensiela ta’ servizzi pubbliċi li, sa dak iż-żmien, kienu ġew ipprovduti esklużivament b’mod fiżiku, ġew ipprovduti wkoll b’mod diġitali, u b’hekk iġġeneraw benefiċċji sinifikanti, kemm għaċ-ċittadini, għall-komunità tan-negozju, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi nfushom, li setgħu jiffrankaw b’mod sostanzjali, f’termini ta’ sigħat tax-xogħol u riżorsi finanzjarji.

2.9.

Bil-kriżi tal-COVID-19, ix-xejra aċċellerat, peress li ntwera li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi Ewropej differenti tista’ tkun għodda siewja għall-moviment liberu tal-persuni, kif muri mill-użu taċ-ċertifikat tat-tilqim kontra din il-marda.

2.10.

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi li, minħabba l-importanza tas-settur pubbliku fil-PDG (4), id-diġitalizzazzjoni tiegħu tista’ tkun fattur deċiżiv fil-proċess Ewropew f’dan il-qasam, mhux biss minħabba li għandha l-potenzjal li tingrana oqsma oħra, iżda wkoll minħabba li hija kapaċi taġixxi bħala xprun għall-proċess kollu, fil-kuntest tal-ekonomija tal-Ewropa.

2.11.

B’riżultat ta’ dan, il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedu investiment pubbliku għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika li jammonta għal EUR 47 biljun.

2.12.

Maż-żmien, l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni, u l-gvernijiet tal-Istati Membri rrikonoxxew il-ħtieġa li jiżdiedu l-interoperabbiltà u l-interkonnettività mhux biss fi ħdan is-servizzi pubbliċi nazzjonali, iżda anke bejn is-servizzi tal-Istati differenti, u bejn dawn u dawk tal-Unjoni Ewropea (5), sabiex iċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni jkunu jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi, ikunu fejn ikunu

2.13.

Filwaqt li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi mhijiex suġġett ġdid (6), madankollu l-Komunikazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni li jkun aktar formali, aktar stabbli u aktar sigur, sabiex tiżdied l-interkonnettività eżistenti tal-apparati diġitali tas-servizzi pubbliċi nazzjonali differenti, kemm bejniethom kif ukoll ma’ dawk tal-Unjoni Ewropea (7), u li tikkonsolida dan l-objettiv sabiex sal-2030 tinkiseb rata ta’ diġitalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi fit-territorju tagħha ta’ 100 %, kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021) 118).

2.14.

Għal dan l-għan, il-Komunikazzjoni analizzata tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li ġejjin għall-implimentazzjoni ta’ approċċ koerenti f’dan il-qasam:

il-ħolqien ta’ struttura ta’ governanza tal-interoperabbiltà, magħmula minn żewġ korpi (il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli), li hija mfassla biex tippermetti kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell ġenerali (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) kif ukoll fil-livell settorjali (ġustizzja, trasport, affarijiet interni, saħħa u ambjent, fost oħrajn) kif ukoll ma’ atturi privati interessati mis-settur privat — b’mandat biex jintlaħaq qbil dwar soluzzjonijiet kondiviżi ta’ interoperabbiltà (pereżempju oqfsa, speċifikazzjonijiet miftuħa, standards miftuħa, applikazzjonijiet jew linji gwida);

l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni obbligatorja tal-impatt tal-interoperabbiltà transfruntiera obbligatorja li jista’ jseħħ meta servizz pubbliku joħloq jew jimmodifika sistema ta’ informazzjoni;

il-ħolqien b’mod konġunt ta’ ekosistema ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għas-settur pubbliku tal-UE (l-introduzzjoni ta’ katalogi ta’ assi ta’ interoperabbiltà rikonoxxuti li jistgħu jintużaw mill-amministrazzjonijiet u fit-tfassil tal-politika, bħal għodod, speċifikazzjonijiet jew soluzzjonijiet diġitali) bil-għan li l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-UE u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien, it-titjib u l-użu mill-ġdid ta’ dawn is-soluzzjonijiet, u b’hekk ikunu jistgħu jinnovaw flimkien u joħolqu valur pubbliku;

l-għoti ta’ ċertu finanzjament tal-Unjoni Ewropea biex jinħolqu jew jissaħħu sistemi nazzjonali ta’ informazzjoni bil-kundizzjoni li jintużaw soluzzjonijiet jew prinċipji predefiniti mill-Unjoni Ewropea (8).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li l-interoperabbiltà bejn is-servizzi pubbliċi hija prerekwiżit essenzjali biex jinħoloq suq uniku diġitali u jitneħħew l-ostakli fiżiċi li fadal (9).

3.2.

L-istabbiliment tal-għan li 100 % tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea jkunu diġitalizzati sal-2030 jimplika li jiġi aċċelerat u jittejjeb network trans-Ewropew li jikkollegahom u li juża elementi komuni, fil-livell tekniku, semantiku, legali jew organizzattiv, fost oħrajn.

3.3.

Madankollu, it-tilħiq ta’ dan l-objettiv ma għandux iwassal għal politika nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi pubbliċi, għad-detriment ta’ dawk ipprovduti b’mod fiżiku u, barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-aktar gruppi vulnerabbli taċ-ċittadini, peress li kulħadd għandu jkollu aċċess għas-servizzi pubbliċi provduti b’mod fiżiku. It-taħriġ dwar il-ħiliet diġitali għandu jkun disponibbli għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għal dawn il-gruppi tal-popolazzjoni.

3.4.

Minflok ma jnaqqas il-persunal, fil-bidu l-iżvilupp u l-operat tas-servizzi diġitali ser joħolqu ħtieġa addizzjonali għall-persunal. Persunal adegwat huwa prerekwiżit għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess.

3.5.

Id-diġitalizzazzjoni għandha tintuża biex jiġi żgurat servizz pubbliku aħjar.

3.6.

Kif enfasizza l-KESE f’Opinjoni preċedenti tiegħu, “[…] dan m’għandux iwassal għas-sostituzzjoni tar-riżorsi umani b’għodda tal-informatika, iżda għandu jagħti iktar ċans lill-bnedmin biex jiddedikaw ruħhom għal kompiti ta’ iktar valur miżjud, […]” (10).

3.7.

Id-diġitalizzazzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali mhumiex mezz biex jiġi leġittimizzat it-tnaqqis ġenerali tal-impjiegi. L-eliminazzjoni tal-kompiti ta’ rutina minħabba d-diġitalizzazzjoni għandha twassal biex l-impjegati jkollhom aktar ħin għal xogħol eżiġenti u biex jagħtu pariri lin-nies.

3.8.

Barra minn hekk, fl-2030 bla dubju ser ikun hemm minoranza ta’ ċittadini esklużi diġitalment, li ser ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi pubbliċi b’mod fiżiku biss (11). Ir-rotot ta’ aċċess analogu għan-nies biex jużaw is-servizzi pubbliċi ma jistgħux isiru aktar diffiċli jew jingħalqu matul id-diġitalizzazzjoni.

3.9.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tapprofondixxi u ttejjeb il-livell ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku, billi toħloq qafas legali li huwa definit fil-livell tal-Unjoni (12).

3.10.

Il-KESE jirrikonoxxi li dan l-approfondiment tal-interoperabbiltà ser iġib miegħu benefiċċji enormi kemm għaċ-ċittadini, b’mod partikolari għall-ħaddiema transfruntiera, kif ukoll għall-intrapriżi u għall-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri stess.

3.11.

Madankollu, sabiex dawn il-benefiċċji jkunu tassew effettivi, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, mhuwiex biżżejjed li jiġu stabbiliti standards tekniċi li jagħmluha possibbli li s-servizzi jiġu interkonnessi. Huwa meħtieġ investiment pubbliku nazzjonali adatt, fil-livell kollha.

3.12.

Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni, kemm fil-livell leġiżlattiv kif ukoll fil-livell tan-networks tas-servizzi settorjali, sabiex jiġi evitat li, minn naħa, ir-riżultati miksuba permezz tal-interoperabbiltà jispiċċaw mhux effettivi minħabba piżijiet burokratiċi bla bżonn u, min-naħa l-oħra, li l-istess data tiġi pprovduta aktar minn darba miċ-ċittadini jew mill-individwi lil servizzi pubbliċi differenti, bir-riżultat li jkun hemm duplikazzjoni tal-proċeduri u spejjeż bla bżonn.

3.13.

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li fil-livell nazzjonali ma jkunx hemm ostakli għas-servizzi pubbliċi diġitali li jagħmluha impossibbli li jintużaw bejn fruntieri differenti, jew fir-rigward tal-konnettività u l-interoperabbiltà tagħhom, ma’ ċittadini jew intrapriżi minn Stati Membri oħra, jew ma’ servizzi pubbliċi oħra li jappartjenu għal Stati Membri oħra (13).

3.14.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li matul il-pandemija u l-lockdown kien hemm progress kbir fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

3.15.

Fid-dawl ta’ dan, nilqgħu l-fatt li l-Komunikazzjoni inkwistjoni tipprova tikseb koerenza bejn il-politiki kollha tal-interoperabbiltà, kemm fil-livell tal-politiki nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-politiki Ewropej settorjali, li għandha tinkiseb billi jitħeġġeġ l-użu ta’ mudelli komuni, u billi jiġu kondiviżi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tipi oħra ta’ soluzzjonijiet komuni.

3.16.

Għall-istess raġunijiet, il-KESE jappoġġja l-prinċipju li s-servizzi pubbliċi differenti jużaw mill-ġdid u jikkondividu l-elementi u d-data, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

3.17.

Barra minn hekk, il-KESE jesprimi tħassib dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi. L-arranġamenti lingwistiċi m’għandhomx ikunu ostaklu burokratiku, u jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni ssir b’lingwa li tinftiehem minn kulħadd.

3.18.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien u l-istituzzjonalizzazzjoni ta’ mudell ta’ governanza għal din il-politika, magħmul minn żewġ korpi fundamentali, jiġifieri l-Bord għal Ewropa Interoperabbli, li ser ikun ippresedut mill-Kummissjoni u magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, minn rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, magħmula minn atturi tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat (14) (15).

3.19.

Il-KESE jqis li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, tieħu sehem fid-definizzjoni tal-politiki relatati mal-interoperabbiltà, mhux biss minħabba li ċ-ċittadini u l-intrapriżi huma d-destinatarji finali ta’ din il-politika, iżda wkoll minħabba li s-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi billi tipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għal din il-politika, li ma jkunux jistgħu jinkisbu mis-settur pubbliku.

3.20.

Il-KESE jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jsir f’livelli differenti, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ u tinċentiva lill-Istati Membri biex jippromovu dan l-involviment fil-livelli differenti – nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.21.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni toħloq punt ta’ aċċess uniku bil-għan li tiġbor flimkien u tiċċentralizza l-għarfien u s-soluzzjonijiet kollha tal-interoperabbiltà, li jistgħu jiġu pprovduti kemm mill-entitajiet pubbliċi kif ukoll minn dawk privati.

3.22.

Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li s-servizzi pubbliċi tal-Unjoni għandhom inaqqsu d-dipendenza tagħhom mill-infrastrutturi diġitali pprovduti minn pajjiżi terzi, li joħolqu theddida għas-sovranità diġitali Ewropea.

3.23.

Għal dan il-għan, nenfasizzaw li l-Kummissjoni tqis li għandhom jintużaw is-sistemi miftuħa, preferibbilment bħala kodiċijiet tas-sors miftuħ, sabiex l-iżviluppaturi jkunu jistgħu jikkondividu s-soluzzjonijiet.

3.24.

F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipprevedi u tħeġġeġ it-tfassil ta’ soluzzjonijiet sperimentali li jippermettu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u kumpaniji tat-teknoloġija innovattivi jew negozji ġodda, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sperimentali innovattivi li, wara fażi ta’ ttestjar li jirnexxi, jistgħu jiġu applikati fis-servizzi pubbliċi u kondiviżi bejniethom.

3.25.

Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-programmi futuri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ interoperabbiltà fil-qasam tas-servizz pubbliku jagħmlu l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħhom taħt il-kundizzjoni li jiġu adottati l-prinċipji u l-istrutturi promossi mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

3.26.

Kundizzjoni bħal din tkun mezz eċċellenti biex is-servizzi pubbliċi jiġu sfurzati jadottaw standards komuni għall-interoperabbiltà fuq bażi volontarja.

3.27.

Il-KESE huwa sorpriż jinnota li din il-Komunikazzjoni, għall-kuntrarju ta’ Komunikazzjonijiet preċedenti (16), imkien ma ssemmi l-benefiċċji li l-interoperabbiltà tas-sistemi pubbliċi Ewropej tista’ ġġib fil-ġlieda kontra l-frodi jew li b’hekk twassal għal gwadanji fl-effiċjenza u fl-introjtu għall-Istati Membri.

3.28.

F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-interoperabbiltà tas-sistemi ser ikollha timxi id f’id mal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, li tista’ tgħin lis-servizzi pubbliċi fl-analiżi tad-data u tiftaħ il-possibbiltà li jinħolqu allerti u twissijiet li jintbagħtu lil servizzi pubbliċi differenti fl-Istati Membri.

3.29.

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jsiru żewġ kummenti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni tad-data:

3.29.1.

Wieħed mill-objettivi tal-Komunikazzjoni huwa li l-istrateġija għall-interoperabbiltà tas-sistemi pubbliċi tiġi inkluża fl-istrateġija għat-tranżizzjoni diġitali kif ukoll fl-istrateġija għat-tranżizzjoni ekoloġika.

3.29.2.

Il-KESE jirrimarka li ċerti soluzzjonijiet tal-IT, għalkemm effiċjenti ħafna, jistgħu jikkunsmaw ħafna enerġija.

3.29.3.

Dan huwa l-każ għat-teknoloġija blockchain li, minkejja li hija effettiva ħafna fir-rigward tas-sigurtà, pereżempju, ta’ data sensittiva, tikkonsma ħafna riżorsi tal-enerġija.

3.29.4.

Il-KESE jilqa’ l-mod li bih inkisbet ir-regolamentazzjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji.

3.29.5.

Il-KESE jqis li, anke jekk ikunu meħtieġa prekawzjonijiet, il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tfixkel il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà, kemm mis-servizzi pubbliċi kif ukoll mill-individwi.

3.29.6.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà għad-data, kemm miċ-ċittadini, min-negozji jew minn servizzi pubbliċi oħra, għandha tkun soġġetta għal livelli differenti ta’ awtorizzazzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità u tiġi kkomunikata biss dik li hija assolutament meħtieġa.

3.29.7.

B’dan il-mod jistgħu jiġu evitati kwistjonijiet bħal dawk li nqalgħu reċentement fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data mir-Reġistru Ċentrali tas-Sjieda Benefiċjarja, li diġà kienu s-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku hija definita bħala “dik li tippermetti lill-amministrazzjonijiet jikkooperaw u jagħmlu s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw bejn il-fruntieri, bejn is-setturi u bejn il-fruntieri organizzattivi” Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”.

(2)  Permezz tad-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni nediet inizjattiva għall-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi, li tikkonsisti f’serje ta’ linji gwida, li l-għan tagħhom huwa, fost l-oħrajn, li jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni fir-rigward tan-networks trans-Ewropej għall-iskambju elettroniku ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet.

(3)  Fil-bini ta’ suq intern diġitali, sar importanti mhux biss li jitneħħew l-ostakli għall-eżistenza tiegħu, iżda wkoll li jinħolqu mekkaniżmi biex jiġi evitat li jiżdiedu ostakli ġodda.

(4)  Skont id-data tal-Eurostat għall-2022, is-settur pubbliku kien jirrappreżenta 53,1 % tal-PDG Ewropew — ara Government finance statistics – Statistics Explained (europa.eu) (L-istatistika tal-finanzi pubbliċi — spjegazzjoni tal-istatistika).

(5)  For example, see the final declarations of the inter-ministerial meetings held in Tallinn (2017), Berlin (2020) and Strasbourg (2022).

(6)  Fl-2010, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej (COM(2010) 744 final), li kienet is-suġġett ta’ Opinjoni tal-KESE TEN/448-449 li ġiet implimentata permezz tal-programm dwar is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA, Deċiżjoni Nru 922/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, segwit fl-2015 mill-programm ISA2, stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mill-Programm Ewropa Diġitali skont ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(7)  Fil-Proposta analizzata f’din l-Opinjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-approċċ proattiv segwit s’issa mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi proposti relatati mal-interoperabbiltà.

(8)  Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta għal Regolament kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar politika msaħħa ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku Li torbot is-servizzi pubbliċi, l-appoġġ tal-politiki pubbliċi u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi Lejn “Ewropa Interoperabbli”.

(9)  Fl-Opinjoni tiegħu TEN/635 dwar “Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà — l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni”, il-KESE kien diġà enfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà biex jinkiseb Suq Uniku Diġitali (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176).

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015 — L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv” u dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn l-interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej” (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92).

(11)  Dan huwa tħassib rikorrenti fl-Opinjonijiet tal-KESE (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176).

(12)  F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għall-proġetti kollha tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-għan li jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni diġitali tagħha (ĠU C 365, 23.9.2022, p. 13).

(13)  Element wieħed li jista’ jsir ostaklu għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi huwa l-pożizzjoni meħuda dwar id-data personali.

(14)  Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli huwa responsabbli għat-tfassil ta’ miżuri kif ukoll li jappoġġja, jagħti pariri u jimmonitorja l-politiki Ewropej dwar l-interoperabbiltà. Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli ser tlaqqa’ flimkien atturi tas-soċjetà ċivili biex jassistu lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli fit-tfittxija u d-definizzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda li għandhom jiġu proposti.

(15)  L-għażla tal-Kummissjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE f’Opinjonijiet preċedenti (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 176).

(16)  Ara l-Anness għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà — l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza”

(COM(2022)702 final — 2022/0408 (COD))

(2023/C 184/06)

Relatur:

Sandra PARTHIE

Korelatur:

Philip VON BROCKDORFF

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 26.1.2023

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30.1.2023

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li reġim ta’ insolvenza mfassal tajjeb għandu jgħin lin-negozji vijabbli biex jibqgħu operattivi, u jevita l-likwidazzjoni prematura tagħhom. L-għan għandu jkun li jinstab bilanċ bejn l-insolvenza prematura u l-proċedimenti li jibdew tard wisq. It-trasparenza tal-proċedimenti, kif ukoll l-aċċess faċli għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tan-negozju, huma fatturi ewlenin f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, reġim ta’ insolvenza mfassal sew għandu wkoll jiskoraġġixxi lis-selliefa milli jagħtu self b’riskju għoli, u lill-maniġers u lill-azzjonisti milli jirrikorru għal tali self kif ukoll milli jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji imprudenti oħrajn (1).

1.2.

Il-KESE jemmen li r-riformi tal-insolvenza mmirati biex jinkoraġġixxu r-ristrutturar tad-dejn u r-riorganizzazzjoni interna jgħinu biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, u fl-istess ħin inaqqsu kemm ir-rati ta’ falliment fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll il-likwidazzjoni ta’ negozji profittabbli. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-proposti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni pendenti tal-insolvenza ta’ persuni fiżiċi.

1.3.

Il-KESE għandu dubji dwar kemm il-proposta, li hija ppreżentata bħala pass importanti biex jingħalqu l-lakuni rilevanti għat-titjib tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE, tista’ fil-fatt tissodisfa din l-aspettattiva. Il-proposta ma tipprovdix definizzjoni armonizzata tar-raġunijiet għall-insolvenza u l-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet, li t-tnejn huma essenzjali biex tinkiseb effiċjenza akbar u tiġi limitata l-frammentazzjoni eżistenti fir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza.

1.4.

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jirrevedu l-proposta fl-Artikolu 27 li tobbliga lill-kontropartijiet, eż. fornituri ta’ negozju li jkun qed iniedi proċediment ta’ insolvenza, biex jiffirmaw kuntratti eżekutorji, li wara jiġu assenjati lill-akkwirent tan-negozju mingħajr il-kunsens tal-kontroparti. Dan, fil-fatt, jorbothom b’mod artifiċjali ma’ sieħeb kuntrattwali li qatt ma għażlu u lanqas skrutinizzaw, u jillimita l-libertà intraprenditorjali tagħhom. Ir-restrizzjoni tad-drittijiet kuntrattwali ta’ terminazzjoni f’każ ta’ insolvenza tnaqqas ir-rieda tal-fornituri essenzjali li jipprovdu kreditu, speċjalment fil-każ ta’ MSMEs li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji.

1.5.

Madankollu, il-KESE jilqa’ l-proposta li tiġi introdotta proċedura speċjali li tiffaċilita u tħaffef l-istralċ tal-mikrointrapriżi, li tippermetti proċess ta’ insolvenza aktar kosteffiċjenti għal dawn l-intrapriżi. Dawn l-arranġamenti jappoġġjaw ukoll l-istralċ ordnat ta’ mikrointrapriżi “mingħajr assi” (asset-less), u jindirizzaw ir-rifjut ta’ xi wħud mill-Istati Membri għall-aċċess għal proċedimenti ta’ insolvenza jekk il-valur ta’ rkupru previst ikun inqas mill-ispejjeż ġudizzjarji. Il-KESE jenfasizza li dan jirrigwarda madwar 90 % tal-insolvenzi fl-UE, u għalhekk iqis li din il-proċedura hija sinifikanti ħafna.

1.6.

Minkejja li l-KESE japprova din il-proċedura speċjali, huwa jwissi li r-rekwiżiti għall-qrati nazzjonali biex iwettqu dawn il-kompiti jistgħu jwasslu għal piż żejjed fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, jekk jingħataw ir-responsabbiltà biex jeżaminaw jekk mikrointrapriża hijiex tabilħaqq insolventi, u biex iwettqu l-proċedimenti twal meħtieġa, inklużi ir-realizzazzjoni tal-assi u d-distribuzzjoni tar-rikavat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu involuti atturi kompetenti oħra, bħall-prattikanti fl-insolvenza, sabiex jgħinu biex jitnaqqas il-piż fuq il-ġudikatura (2).

1.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jirrimarka li proċedimenti ta’ insolvenza ineffiċjenti jistgħu jirriżultaw f’livelli ogħla ta’ self li ma jrendix li jpoġġu l-istabbiltà finanzjarja f’riskju u li jkollhom ukoll impatt fuq il-kreditu, l-inflazzjoni u l-PDG reali. Il-KESE huwa tal-fehma li r-reġimi effiċjenti ta’ insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri huma wħud mill-għodod komplementari li huma disponibbli għal min ifassal il-politika biex jitrażżan it-tkabbir tas-self li ma jrendix, billi jżidu l-probabbiltà tal-ħlas lura tas-self u jaġġustaw aktar malajr il-livelli tas-self li ma jrendix.

2.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-objettiv tal-proposta huwa li jitnaqqsu d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza u b’hekk tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ oqfsa ta’ insolvenza potenzjalment ineffiċjenti fl-Istati Membri fejn dawn id-differenzi jseħħu, u li tiżdied it-trasparenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza b’mod ġenerali u jitnaqqsu l-ostakli għall-moviment liberu tal-kapital. Billi tarmonizza aspetti mmirati tal-liġijiet dwar l-insolvenza, il-proposta għandha l-għan, b’mod partikolari, li tnaqqas l-ispejjeż tal-informazzjoni u tat-tagħlim għall-investituri transfruntiera. L-għan huwa li jkun hemm liġijiet aktar uniformi dwar l-insolvenza, u b’hekk tiġi estiża l-għażla tal-finanzjament disponibbli għall-kumpaniji madwar l-Unjoni.

2.2.

Il-proposta attwali għandha l-għan li tindirizza uħud mil-lakuni fil-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE dwar ir-regoli tal-insolvenza, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod partikolari fir-rigward tal-irkupru tal-assi mill-patrimonju tal-insolvenza likwidat, l-effiċjenza tal-proċedimenti, u d-distribuzzjoni prevedibbli u ġusta tal-valur irkuprat fost il-kredituri. Dan jinkludi kwistjonijiet relatati ma’ azzjonijiet revokatorji, l-investigazzjoni dwar l-assi, id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi, il-bejgħ ta’ kumpanija bħala negozju avvjat permezz ta’ “proċedimenti ta’ pre-pack”, l-iskattatur tal-insolvenza, reġim speċjali tal-insolvenza għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet u l-kumitati tal-kredituri.

2.3.

Ġie osservat li fir-regoli nazzjonali eżistenti dwar l-insolvenza fl-Istati Membri, hemm varjazzjonijiet sinifikanti fiż-żmien meħtieġ biex kumpanija tiġi likwidata u l-valur li eventwalment jista’ jiġi rkuprat. F’xi Stati Membri, dan iwassal għal proċeduri twal ta’ insolvenza u valur medju baxx ta’ rkupru f’każijiet ta’ likwidazzjoni. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan jikkostitwixxi ostaklu għall-unjoni tas-swieq kapitali u għall-investimenti transfruntiera fl-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal aktar trasparenza u disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċedimenti ta’ insolvenza transfruntiera. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li din il-proposta hija biss l-ewwel pass biex tintlaħaq il-konverġenza tar-reġimi ta’ insolvenza fl-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jilqa’ wkoll proposti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni pendenti tal-insolvenza ta’ persuni fiżiċi.

3.2.

Il-KESE jenfasizza li reġim ta’ insolvenza mfassal tajjeb għandu jgħin lin-negozji vijabbli biex jibqgħu operattivi, filwaqt li jevita l-likwidazzjoni prematura tagħhom. Ir-reġim ta’ insolvenza għandu wkoll jiskoraġġixxi lis-selliefa milli joħorġu self b’riskju għoli, u lill-maniġers u lill-azzjonisti milli jirrikorru għal tali self kif ukoll milli jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji imprudenti oħrajn (5). Negozju milqut minn tnaqqis temporanju fir-ritmu ekonomiku jew minn deċiżjoni ħażina xorta jiġi salvat jekk is-sitwazzjoni ekonomika titjieb jew jittieħdu miżuri korrettivi min-negozju. Meta dan iseħħ, il-partijiet ikkonċernati kollha jibbenefikaw. Il-kredituri jistgħu jirkupraw parti akbar mill-investiment tagħhom, aktar ħaddiema jżommu l-impjiegi tagħhom u jiġi ppreservat in-network tal-fornituri u tal-klijenti.

3.3.

F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal studji li juru li riformi effettivi tad-drittijiet tal-kredituri huma assoċjati ma’ spejjeż aktar baxxi tal-kreditu, aċċess akbar għall-kreditu, irkupru aħjar għall-kredituri u żamma aktar effettiva tal-impjiegi (6). Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ kumitat tal-kredituri bl-involviment possibbli ta’ rappreżentant tal-impjegati għandhom jissaħħu wkoll. Jekk, fi tmiem il-proċedimenti ta’ insolvenza, il-kredituri jkunu jistgħu jirkupraw il-biċċa l-kbira tal-investimenti tagħhom, ikunu jistgħu jkomplu jinvestu mill-ġdid f’negozji u jtejbu l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu. Bl-istess mod, jekk reġim ta’ falliment jirrispetta l-prijorità assoluta tal-pretensjonijiet, il-kredituri garantiti jistgħu jkomplu jsellfu, u b’hekk tinżamm il-fiduċja fis-sistema tal-falliment (7).

3.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li r-riformi tal-insolvenza mmirati biex jinkoraġġixxu r-ristrutturar tad-dejn u r-riorganizzazzjoni interna, jgħinu biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, u jnaqqsu kemm ir-rati ta’ falliment fost l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll il-likwidazzjoni ta’ negozji profittabbli.

3.5.

Id-disparitajiet sinifikanti fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza spiss jissemmew bħala ostakli għall-investimenti transfruntiera, bħalma huma r-regoli dwar it-tassazzjoni. Il-KESE jemmen li livelli ogħla ta’ konverġenza tal-liġijiet dwar l-insolvenza jgħinu biex jinkiseb funzjonament aħjar tas-swieq kapitali, u b’hekk jiġi ffaċilitat l-investiment madwar l-UE. Madankollu, il-proposta tonqos milli tarmonizza l-aspetti ewlenin tal-liġi dwar l-insolvenza, bħal definizzjoni armonizzata tar-raġunijiet għall-insolvenza u l-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet, li t-tnejn huma essenzjali biex tinkiseb effiċjenza akbar u tiġi limitata l-frammentazzjoni eżistenti fir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza. Dan ma jawgurax tajjeb biex jintlaħaq l-għan tant meħtieġ, iżda ambizzjuż, ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.6.

Madankollu, il-KESE jenfasizza l-appoġġ sod tiegħu għal suq tal-kapital aktar miftuħ fl-UE kollha li jipprovdi firxa usa’ ta’ aċċess għall-investiment għall-kumpaniji, u jirrikonoxxi s-sejbiet tal-Kummissjoni u tal-Bank Dinji (8) li żieda fir-rata ta’ rkupru tal-assi fil-kuntest ta’ effettività akbar tal-insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri, twessa’ l-aċċess għall-kreditu għall-kumpaniji Ewropej.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-proċedimenti ta’ insolvenza jvarjaw b’mod sinifikanti minn Stat Membru għal ieħor, b’regolamentazzjoni nazzjonali li tiffavorixxi aktar l-approċċ ta’ “debitur fil-pussess”, jew approċċ ibbażat fuq id-“drittijiet tal-kreditur”, jew li tagħti prijorità lill-impjiegi u lill-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi. Dan iwassal għal preferenzi differenti fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-kumpaniji, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet mill-kredituri u r-rwoli tad-diretturi tal-kumpaniji, il-prattikanti fl-insolvenza u l-qrati. Bl-istess mod, fit-tfassil tal-politiki, għandhom jitqiesu d-differenzi bejn l-azzjonisti u d-detenturi tad-dejn; l-azzjonisti huma fil-biċċa l-kbira reattivi għall-għodod ta’ prevenzjoni u semplifikazzjoni, id-detenturi tad-dejn jirrispondu aktar għad-disponibbiltà tal-istrumenti ta’ ristrutturar. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti tal-Kummissjoni huma l-ewwel pass lejn il-konverġenza madwar l-UE, iżda xorta waħda ma jilħqux l-armonizzazzjoni effettiva, u ma jindirizzawx il-kwistjoni pendenti tal-insolvenza tal-persuni fiżiċi.

4.2.

Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza huma kunsiderazzjoni ewlenija għall-investituri barranin. Madankollu, il-KESE jirrimarka li l-ammont ta’ insolvenzi b’forniment transfruntier tal-kreditu ma jaqbiżx l-20 % tal-każijiet kollha, u li d-data relattiva għall-pajjiżi tal-G20 turi li sistema effettiva tad-drittijiet legali żżid il-livell ta’ investiment dirett barrani minn 2 għal 3 % tal-PDG biss. Barra minn hekk, porzjon sinifikanti tal-investiment dirett barrani huwa dovut għal fużjonijiet korporattivi u akkwiżizzjonijiet ta’ korporazzjonijiet eżistenti aktar milli investiment f’intrapriżi ġodda.

4.3.

Għalhekk, il-KESE jwissi kontra li wieħed jistenna wisq mill-impatt tal-konverġenza tal-liġi dwar l-insolvenza fuq l-investimenti. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li l-għoti ta’ qafas effettiv tad-drittijiet legali għall-kredituri u aktar trasparenza għall-investituri potenzjali kollha dwar il-liġijiet tal-insolvenza u informazzjoni ugwali dwar is-sitwazzjoni legali jista’ jkollhom impatti pożittivi fuq l-investiment barrani. Iċ-ċertezza dwar ir-regoli rigward id-drittijiet tal-kredituri u tad-debituri u armonizzazzjoni akbar tal-proċeduri tat-tneħħija tal-kollateral fl-Istati Membri kollha se jnaqqsu r-riskji u jipprovdu aktar impetu għall-investimenti transfruntiera u l-kummerċ intern.

4.4.

Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-għoti ta’ informazzjoni u trasparenza lill-investituri dwar kwistjonijiet relatati ma’ azzjonijiet revokatorji, l-investigazzjoni dwar l-assi, id-dmirijiet u r-responsabbiltà tad-diretturi, il-bejgħ ta’ kumpanija bħala negozju avvjat permezz ta’ proċedimenti ta’ pre-pack, l-iskattatur tal-insolvenza, reġim speċjali tal-insolvenza għall-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet u l-kumitati tal-kredituri, huma kollha importanti ħafna.

4.5.

Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-proposta tintroduċi proċedura speċjali biex tiffaċilita u tħaffef l-istralċ tal-mikrointrapriżi, li tippermetti proċess ta’ insolvenza aktar kosteffiċjenti għal dawn l-intrapriżi. Dawn l-arranġamenti jappoġġjaw ukoll l-istralċ ordnat ta’ mikrointrapriżi “mingħajr assi” (asset-less), u jindirizzaw ir-rifjut ta’ xi wħud mill-Istati Membri għall-aċċess għal proċedimenti ta’ insolvenza jekk il-valur ta’ rkupru previst ikun inqas mill-ispejjeż ġudizzjarji. Il-KESE jenfasizza li dan jirrigwarda madwar 90 % tal-insolvenzi fl-UE, u għalhekk iqis li din il-proċedura hija sinifikanti ħafna.

4.6.

Madankollu, minkejja li l-KESE japprova din il-proċedura speċjali, huwa jwissi li r-rekwiżiti għall-qrati nazzjonali biex iwettqu dawn il-kompiti, f’konformità mal-Artikolu 12ff tad-Direttiva, jistgħu jwasslu għal piż żejjed fuq is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali jekk dawn isiru responsabbli biex jeżaminaw jekk mikrointrapriża hijiex tabilħaqq insolventi u biex iwettqu l-proċedimenti twal meħtieġa. Fil-fehma tagħna, dan imur parzjalment kontra l-iskop tal-leġiżlazzjoni proposta. F’Opinjonijiet preċedenti (9), il-KESE ddikjara li l-użu sistematiku tal-qrati jista’ ma jkunx l-għażla ppreferuta u l-KESE rrakkomanda li jiġu stabbiliti korpi ġodda li jassumu r-responsabbiltà għal dan il-kompitu. L-involviment effettiv ta’ prattikanti indipendenti fl-insolvenza wera li huwa ta’ benefiċċju speċjalment għal mikroimprendituri organizzati ħażin fi proċedimenti ta’ likwidazzjoni semplifikati, u l-KESE huwa tal-fehma li l-involviment ta’ prattikanti fl-insolvenza għandu jiġi kkunsidrat sew (10).

4.7.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-prattikanti fl-insolvenza, f’każijiet ta’ interessi leġittimi, ikollhom aċċess dirett u rapidu għar-reġistri nazzjonali tal-assi, irrispettivament mill-Istat Membru fejn ikunu nħatru. Il-KESE jinnota wkoll li dawn ir-reġistri għadhom ma ġewx stabbiliti fl-Istati Membri kollha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jirrettifikaw din is-sitwazzjoni malajr.

4.8.

Fl-interess tal-effiċjenza, il-KESE jilqa’ l-proposta għal proċedimenti ta’ pre-pack, fejn il-bejgħ tan-negozju tad-debitur (jew parti minnu) jitħejja u jiġi nnegozjat qabel il-ftuħ formali tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Dan jagħmilha possibbli li jiġi eżegwit il-bejgħ u jinkiseb ir-rikavat ftit wara l-ftuħ tal-proċedimenti formali ta’ insolvenza maħsuba biex jillikwidaw kumpanija. Madankollu, il-KESE jwissi kontra l-proposta fl-Artikolu 27 li tobbliga lill-kontropartijiet, eż. fornituri ta’ negozju li jkun qed iniedi proċediment ta’ insolvenza, biex jiffirmaw kuntratti eżekutorji, li wara jiġu assenjati lill-akkwirent tan-negozju mingħajr il-kunsens tal-kontroparti. Dan, fil-fatt, jorbothom b’mod artifiċjali ma’ sieħeb kuntrattwali li qatt ma għażlu u lanqas skrutinizzaw, u jillimita l-libertà intraprenditorjali tagħhom. Dan japplika aktar u aktar għall-impjegati li l-libertà professjonali tagħhom ma tistax tiġi miksura minn bidla furzata tal-impjegatur. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jirrevedu din il-proposta. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni u monitoraġġ li jitwettqu minn kumitat tal-kredituri għandhom jissaħħu wkoll fil-proċess ta’ prepakkett.

4.9.

Il-KESE jinnota wkoll li d-Direttiva, fil-fatt, la tindirizza l-kwistjoni tal-konverġenza tal-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet, u lanqas ma tipprovdi definizzjoni tar-raġunijiet għall-insolvenza. Peress li dawn huma rekwiżit ewlieni għal proċedimenti ta’ insolvenza armonizzati, il-KESE jinsab diżappuntat ħafna li l-Kummissjoni ma żviluppathomx fil-fond.

4.10.

Bl-istess mod, l-iskattaturi tal-insolvenza mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fil-proposta, minkejja affermazzjonijiet kuntrarji fil-Komunikazzjoni dwar id-direttiva. Il-proposta tiddikjara li ż-żewġ skattaturi tas-soltu fl-Istati Membri għall-ftuħ ta’ proċedimenti standard ta’ insolvenza huma t-test tal-waqfien tal-pagamenti u t-test tal-karta tal-bilanċ.

4.11.

Bil-għan li jiġu ssemplifikati l-proċedimenti ta’ insolvenza, li l-KESE jappoġġja fil-prinċipju, id-direttiva tipproponi li l-inabbiltà li jitħallsu d-djun hekk kif jimmaturaw għandha tkun il-kriterju għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ semplifikati. Minflok ma tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu definiti l-kundizzjonijiet speċifiċi li abbażi tagħhom jiġi ssodisfat dan il-kriterju, il-proposta titlob lill-Istati Membri jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi huma stess, u titlef l-opportunità li tiggarantixxi koerenza madwar l-UE.

4.12.

Il-KESE jinnota wkoll li l-banek huma tipikament l-intermedjarji finanzjarji primarji u huma fundamentali għal sistema finanzjarja stabbli. Is-self li ma jrendix inaqqas il-profittabbiltà u jista’ joħloq riskju għas-solvenza tal-banek. Ir-reġimi ta’ insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri huma wħud mill-għodod komplementari li huma disponibbli għal min ifassal il-politika biex jitrażżan it-tkabbir tas-self li ma jrendix, u jikkontribwixxu biex jiġi solvut is-self li ma jrendix meta dan jilħaq livelli problematiċi. L-analiżi fil-livell tan-negozji turi li r-riformi tar-reġimi tal-insolvenza li jnaqqsu l-ostakli għar-ristrutturar korporattiv u l-kost personali assoċjat mal-falliment intraprenditorjali jistgħu jnaqqsu s-sehem tal-kapital mitluf fl-hekk imsejħa ditti żombi. Dan il-qligħ huwa parzjalment realizzat mir-ristrutturar ta’ negozji dgħajfa, li min-naħa tiegħu jixpruna r-riallokazzjoni tal-kapital lil negozji aktar produttivi.

4.13.

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippubblika statistika regolari dwar każijiet ta’ insolvenza skont ir-regolament rilevanti dwar l-insolvenza sabiex l-effettività tas-sistema stabbilita tkun tista’ tiġi vvalutata minn żmien għal żmien.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(2)  Bank Dinji, Principles for effective Insolvency and Creditor/debtor Regimes (Prinċipji għal reġimi effettiva fil-qasam tal-insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri), Edizzjoni riveduta 2021, prinċipji c6.1 u c19.6.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).

(5)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(6)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(7)  Il-Bank Dinji, Resolving Insolvency (Ir-Riżoluzzjoni tal-Insolvenza), aċċessata fit-3 ta’ Jannar 2023.

(8)  How Insolvency and Creditor/Debtor Regimes Can Help Address Nonperforming Loans – EFI Note-Finance. Washington, DC: Bank Dinji (Kif ir-reġimi tal-insolvenza u d-drittijiet tal-kredituri/debituri jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat s-self li ma jrendix [mhux disponibbli bil-Malti]).

(9)  Fosthom l-Opinjoni tal-KESE dwar L-insolvenza tan-negozji (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 21).

(10)  Bank Dinji, Principles for effective Insolvency and Creditor/debtor Regimes (Prinċipji għal reġimi effettiva fil-qasam tal-insolvenza u tad-drittijiet tal-kredituri/debituri), Edizzjoni riveduta 2021, prinċipji c6.1 u c19.6.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002”

(COM(2022) 666 final — 2022/0391 (COD))

u dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tad-disinji (riformulazzjoni)”

(COM(2022) 667 final — 2022/0392 (COD))

(2023/C 184/07)

Relatur:

Ferre WYCKMANS

Konsultazzjoni

(a)

Kunsill, 21.12.2022

(b)

Parlament Ewropew, 12.12.2022

Kunsill, 21.12.2022

Bażi legali

(a)

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(b)

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

148/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li sistema effettiva ta’ protezzjoni tad-disinji hija favorevoli għall-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, peress li tħeġġeġ il-kompetizzjoni u l-prattiki kummerċjali ġusti. Din tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ekonomiku billi tistimula l-kreattività fl-industrija, tal-prodotti, tal-attivitajiet kummerċjali u tal-esportazzjonijiet.

1.2.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-disinn għandu jkun irreġistrat ma’ uffiċċju nazzjonali tal-proprjetà industrijali sabiex jiġi protett bil-liġi. Skont il-liġi nazzjonali u t-tip ta’ disinn, id-disinn jista’ wkoll jiġi protett bid-drittijiet tal-awtur bħala disinn mhux irreġistrat jew bħala xogħol tal-arti. F’ċerti Stati Membri, il-protezzjoni tad-disinji industrijali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur huma kumulattivi, f’oħrajn huma reċiprokament esklużivi. F’ċerti ċirkostanzi, disinn huwa eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skont il-liġi tal-kompetizzjoni inġusta, iżda l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u r-rimedji eżistenti jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti.

1.3.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-qafas legali għad-disinji jiġi adattat għall-era diġitali sabiex jiġu promossi l-irkupru u r-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, u biex jiġu mħeġġa l-innovazzjoni u l-kompetittività. Huwa jaqbel mad-definizzjoni l-ġdida ta’ disinn prevista fil-Proposta għal direttiva. Dan huwa aktar rilevanti fid-dawl tal-progress teknoloġiku billi l-kunċett ta’ prodott jiġi estiż għad-disinji teknoloġiċi li ma humiex inkorporati f’oġġetti fiżiċi.

1.4.

Il-KESE jappoġġja wkoll il-limitazzjoni tal-protezzjoni għall-karatteristiċi tad-dehra li huma rappreżentati b’mod prominenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, peress li din iżżid iċ-ċertezza legali tal-protezzjoni.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal regolament tadotta s-soluzzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha “Acacia” tal-20 ta’ Diċembru 2017 (1), li fiha ċċarat l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola dwar it-tiswija”, speċjalment peress li din ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur.

1.6.

Min-naħa l-oħra, il-KESE ma jemminx li l-amalgamazzjoni tad-dritt tal-pubblikazzjoni mad-dritt tar-reġistrazzjoni se tnaqqas l-ammont totali tad-drittijiet pagabbli, peress li l-ispiża tat-tiġdid, kif propost, tiżdied drastikament. Għalhekk, din il-miżura mhijiex favorevoli għall-SMEs u d-disinjaturi individwali kif iddikjarat. Il-KESE jappella favur ammonti aktar baxxi għall-SMEs u d-disinjaturi individwali, fejn applikabbli fi proporzjon mal-fatturat tagħhom.

1.7.

Fil-fehma tal-KESE, is-semplifikazzjoni li tirriżulta mit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” hija meħtieġa iżda insuffiċjenti, peress li għad hemm bżonn li tittejjeb l-ergonomija tas-sistemi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinji offruti fuq is-siti web tal-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà industrijali u tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO, minn hawn ’il quddiem “l-Uffiċċju”). Biex jindirizzaw din l-isfida, l-uffiċċji jistgħu jagħmlu użu mill-għarfien espert tal-aġenti tal-privattivi u b’hekk jagħmluha aktar faċli għall-SMEs u għad-disinjaturi individwali biex jipproteġu d-disinji tagħhom.

1.8.

Il-KESE jqis li ma huwiex xieraq li jintuża l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jitfasslu regoli dwar it-tilwim u l-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, peress li att delegat huwa maħsub biss biex jissupplimenta l-att bażiku u għandu jkun relatat biss ma’ elementi mhux essenzjali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li l-Proposta għal Regolament tipprevedi li jiġu adottati permezz ta’ att delegat jikkonċernaw id-drittijiet previsti fit-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-Ġustizzja, inkluż b’mod partikolari l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala elementi mhux essenzjali.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li tali dispożizzjonijiet jiġu definiti mir-regolament bħala tali.

2.   Kuntest

2.1.

Fid-dritt sostantiv, id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”), tarmonizza parzjalment il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni legali tad-disinji, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 (3) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) jistabbilixxi sistema awtonoma ta’ protezzjoni tad-drittijiet unitarji fl-Unjoni kollha għad-disinji Komunitarji rreġistrati u għad-disinji Komunitarji mhux irreġistrati, dment li dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, jiġifieri li dawn għandhom ikunu ġodda u jkollhom karattru individwali. Fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, id-detentur jista’ jsibha diffiċli biex jagħti prova tal-eżistenza ta’ dritt għad-disinn. Barra minn hekk, it-terminu tal-protezzjoni huwa limitat għal tliet snin u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija huwa iżgħar.

2.2.

Ir-Regolament ġie emendat fl-2006 biex jagħti effett lill-adeżjoni tal-UE fis-Sistema ta’ The Hague għad-Depożitu Internazzjonali tad-Disinji Internazzjonali, li l-għan tagħha kien li tistabbilixxi proċedura unika, sempliċi, mhux għalja u ċentralizzata għar-reġistrazzjoni tad-disinji mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).

2.3.

Ir-Regolament jeżenta l-ispare parts mill-protezzjoni tad-disinji Komunitarji minħabba li ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim dwar dan is-suġġett matul l-abbozzar tad-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ appoġġ mill-Kunsill, fl-2014 il-Kummissjoni rtirat il-proposta tagħha li tirrevedi d-Direttiva.

2.4.

Il-Proposta attwali ssegwi dan il-falliment u tirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2020 bit-titolu “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea”, ippubblikata bħala segwitu għar-riforma tat-trademarks. L-ambizzjoni tagħha hija li tkun aktar adatta għall-era diġitali, aktar aċċessibbli u effiċjenti għad-disinjaturi indipendenti, l-SMEs, l-industriji, inqas għalja u kkumplikata, u li żżid iċ-ċertezza legali tas-sistema ta’ protezzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Disinn industrijali jikkonsisti fid-dehra ornamentali ta’ oġġett. Jista’ jkun tridimensjonali jew bidimensjonali. Disinn li jirnexxi jarmonizza l-funzjoni u l-forma. Kemm jekk huwa għall-imwejjed jew għat-telefowns, id-disinn jagħmel l-oġġett attraenti jew ppreferut minn ieħor.

3.2.

Disinn industrijali japplika għal diversi prodotti industrijali u tas-snajja’, bħal strumenti tekniċi jew mediċi, arloġġi tal-idejn, ġojjellerija, oġġetti ta’ lussu, oġġetti tad-dar, apparat elettriku, vetturi, strutturi arkitettoniċi, prodotti tat-tessuti, oġġetti tad-divertiment, eċċ.

3.3.

Peress li jagħti lill-oġġett l-attraenza u l-faxxinu tiegħu, id-disinn industrijali jżid il-valur tas-suq tal-prodott. Il-protezzjoni tad-disinn għalhekk tikkontribwixxi biex jiġi żgurat redditu fuq l-investiment.

3.3.1.

Il-KESE jqis li sistema effettiva ta’ protezzjoni hija għalhekk ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, billi tinkoraġġixxi kompetizzjoni u prattiki kummerċjali ġusti.

3.3.2.

Tali sistema tippromovi wkoll l-iżvilupp ekonomiku billi tistimula l-kreattività fl-industrija u l-produzzjoni industrijali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ attivitajiet kummerċjali u esportazzjonijiet.

3.4.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, id-disinn għandu jkun irreġistrat ma’ uffiċċju nazzjonali tal-proprjetà industrijali sabiex jiġi protett bil-liġi. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u t-tip ta’ disinn, dan tal-aħħar jista’ jiġi protett ukoll bid-drittijiet tal-awtur bħala disinn mhux irreġistrat jew bħala xogħol artistiku.

3.5.

F’xi Stati Membri, il-protezzjoni tad-disinn industrijali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jikkoinċidu, filwaqt li f’oħrajn huma reċiprokament esklużivi. Disinn huwa eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skont il-liġi tal-kompetizzjoni inġusta, iżda l-kundizzjonijiet għall-protezzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u r-rimedji eżistenti jistgħu jvarjaw.

3.6.

Fid-dawl tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea li jagħtu spinta lill-irkupru u r-reżiljenza, u li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-qafas legali għad-disinji jiġi adattat għall-era diġitali. Huwa japprova d-definizzjoni l-ġdida proposta peress li hija rilevanti fid-dawl tal-progress teknoloġiku, filwaqt li testendi l-kunċett ta’ prodott għal disinji teknoloġiċi li ma humiex inkorporati f’oġġetti fiżiċi.

3.7.

Il-KESE japprova wkoll it-tisħiħ taċ-ċertezza legali marbuta mal-limitazzjoni tal-protezzjoni tal-karatteristiċi tad-dehra li huma rappreżentati b’mod prominenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

3.8.

Huwa japprova wkoll l-adattament tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet mogħtija mir-reġistrazzjoni ta’ disinn sabiex jiġu koperti l-problemi assoċjati mat-tħaddim ta’ teknoloġiji tal-istampar 3D. Japprova wkoll iż-żieda, bħal fil-każ tal-liġi tat-trademarks, tad-dritt tad-detenturi tad-disinn biex jiġi evitat li oġġetti ffalsifikati jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni jew li jitqiegħdu taħt proċedura doganali mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera hemmhekk, sabiex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Klawżola dwar it-tiswija u protezzjoni tal-konsumatur

4.1.1.

Il-protezzjoni tal-ispare parts (“partijiet komponenti ta’ prodott kumpless”) mil-liġi tad-disinn qajmet ħafna diskussjoni. Akkwistata bħala riżultat tar-Regolament, hija akkumpanjata minn eċċezzjoni, magħrufa bħala “klawżola dwar it-tiswija”, sabiex jiġi limitat il-monopolju tal-manifatturi jew tal-fornituri (b’mod partikolari l-vetturi bil-mutur) fis-suq tal-ispare parts (l-Artikolu 110). Din “il-klawżola dwar it-tiswija” tipprevedi li d-detentur ta’ disinn relatat ma’ spare part ma jistax jeżerċita monopolju jew jimpedixxi lil parti terza milli tqiegħed spare parts għat-tiswija ta’ prodott fis-suq u għar-restawr tad-dehra oriġinali tiegħu.

4.1.2.

Il-produttur ta’ prodott lest kumpless (karozza, arloġġ, telefown ċellulari, eċċ.) spiss jikkontrolla l-katina kollha tal-produzzjoni. Għalhekk, x’aktarx li jagħmel profitt doppju, l-ewwel fis-suq tal-bejgħ tal-prodott lest u mbagħad fis-suq tal-bejgħ tal-ispare parts.

4.1.3.

Madankollu, l-ekonomija tal-imġiba stabbiliet li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jagħmlu l-għażla tagħhom abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-prodott primarju, mingħajr ma jikkunsidraw il-prezz tal-bejgħ tas-servizzi sekondarji. Għalhekk jisfaw ikkontrollati mill-investiment inizjali tagħhom u mġiegħla jħallsu prezz li mhux bilfors kienu jaċċettaw f’ċirkostanzi oħra.

4.1.4.

Il-KESE jinnota li din is-sitwazzjoni għalhekk x’aktarx twassal għal problemi tal-liġi tal-kompetizzjoni minħabba li l-produttur/assemblatur oriġinali bi dritt tad-disinn għandu vantaġġ kompetittiv importanti li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jagħmel ħsara lill-konsumatur:

fil-konfront tal-klijenti tiegħu, peress li jippermettilu jitlob prezzijiet għoljin jew bejgħ abbinat;

fir-rigward ta’ dawk li jsewwu, peress li jiddomina s-suq jew jiddetta t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu lil dawk li jsewwu li huwa jaċċetta li jissupplixxi;

fir-rigward tal-fornituri tiegħu, sal-punt li jista’ jżommhom milli jfornu lil persuni indipendenti li jsewwu, jew jipprojbixxi lil fornituri indipendenti milli jikkupjaw l-ispare parts tiegħu biex jissupplixxu lis-suq tat-tiswija.

4.1.5.

Sabiex tiġi evitata l-monopolizzazzjoni tas-swieq sekondarji, il-leġiżlatur tal-UE ddeċieda li jillimita d-drittijiet li jistgħu jinkisbu fuq l-ispare parts.

L-ewwel limitazzjoni xi kultant tissejjaħ l-eċċezzjoni tal-obbligu ta’ adattament (“must match”) (l-Artikolu 8(2)). Id-dehra esterna ta’ prodott li hija meħtieġa għall-konnessjoni ma’ prodott ieħor ma tistax tiġi protetta.

It-tieni limitazzjoni tikkonċerna l-protezzjoni tal-ispare parts li ma humiex viżibbli.

4.1.6.

Parti li ma tkunx viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott ma tistax tiġi protetta b’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn (l-Artikolu 4(2)).

Dawn jinkludu, pereżempju:

il-mekkaniżmu tal-arloġġi tal-idejn;

l-intern tal-biċċa l-kbira tal-mutur elettriku tal-apparati domestiċi;

il-magna ta’ karozza (meqjusa mhux viżibbli waqt l-użu normali tal-vettura, anki jekk il-magna tkun faċilment viżibbli meta jinfetaħ l-bonnet).

4.1.7.

L-ispare parts li jistgħu jiġu protetti huma għalhekk dawk li ma jinkludu l-ebda mekkaniżmu ta’ interkonnessjoni u huma viżibbli. Skont ir-regolament, huwa għalhekk possibbli li jiġi protett għadd kbir ta’ parts. Pereżempju, għal karozza, dan jinkludi:

il-fanali ta’ quddiem;

il-mudguards;

il-bonnet u l-bibien (iżda mhux iċ-ċpiepet);

ir-rota tal-isteering.

4.1.8.

Il-prodott li ma huwiex protett b’reġistrazzjoni għalhekk jista’ jiġi riprodott minn kwalunkwe produttur kompetitur tal-ispare parts u jforni s-suq tat-tiswija.

4.1.9.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet qajmet mistoqsijiet. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal Regolament tqis is-soluzzjoni proposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza “Acacia” tal-20 ta’ Diċembru 2017, li fiha ċċarat l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “klawżola dwar it-tiswija”.

4.1.10.

Il-KESE jirrimarka li l-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi applikat din is-soluzzjoni fil-prattika fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża Nru 2017/01589, fil-każ ta’ rimmijiet ikkummerċjalizzati fuq sit tal-bejgħ online. “Il-klawżola dwar it-tiswija” ma setgħetx tiġi invokata b’mod validu mill-bejjiegħ minħabba li dawn ir-rimmijiet kienu offruti għall-finijiet ta’ personalizzazzjoni estetika tal-vetturi u ta’ tuning. Għaldaqstant, tqies li r-rimmijiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu vjolazzjoni u l-bejjiegħ ġie ssanzjonat għall-falsifikazzjoni tad-disinji.

4.1.11.

Xi Stati Membri lliberalizzaw is-suq tal-ispare parts. Il-liġi Franċiża dwar “il-Klima u r-Reżiljenza” Nru 2021–1104 tat-22 ta’ Awwissu 2021 tiftaħ is-suq għall-bejgħ ta’ ċerti spare parts tal-vetturi sa mill-1 ta’ Jannar 2023.

4.1.12.

L-għan ta’ din il-miżura huwa li tbaxxi l-prezzijiet f’dan is-suq. Bejn l-2019 u l-2020, dawn żdiedu b’medja ta’ 8 %, parzjalment minħabba l-kumplessitajiet tekniċi tad-diversi spare parts, bħall-muturi tal-mirja elettriċi, is-sensuri installati fil-windscreens, eċċ. L-aktar Stati liberali għal dan is-settur ma għandhomx industrija żviluppata ħafna, għall-kuntrarju tal-Ġermanja li hi pajjiż ta’ manifatturi tal-karozzi b’saħħithom, iżda fejn is-suq diġà huwa aktar miftuħ.

Fi Franza, mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem, il-fabbrikanti tat-tagħmir, kemm dawk involuti fl-immuntar oriġinali, jiġifieri li pparteċipaw fl-assemblaġġ tal-vettura l-ġdida, kif ukoll dawk indipendenti, se jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-partijiet tal-ħġieġ. Il-fabbrikanti tat-tagħmir li pparteċipaw fl-ewwel installazzjoni ta’ spare parts viżibbli oħra (partijiet ottiċi, mirja, eċċ.) għalhekk se jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-partijiet bħal fil-każ tal-manifatturi tal-vetturi.

4.2.    L-ispiża tal-protezzjoni tad-disinn

4.2.1.

L-EUIPO għandha sistema għall-preżentazzjoni ta’ disinji online li tindika spiża kurrenti li tibda minn EUR 350. Il-KESE jfakkar li disinn komunitarju rreġistrat huwa validu għal perjodu inizjali ta’ 5 snin mid-data tal-applikazzjoni u jista’ jiġġedded kull 5 snin għal perjodu massimu ta’ 25 sena.

4.2.2.

Minbarra l-ispiża tal-applikazzjoni, hemm tliet tipi ta’ drittijiet:

id-dritt ta’ reġistrazzjoni ta’ EUR 230, li miegħu jista’ jiżdied dritt ta’ reġistrazzjoni addizzjonali ta’ EUR 115 għat-tieni sal-għaxar reġistrazzjoni addizzjonali, u ta’ EUR 50 mill-għaxar reġistrazzjoni ’l quddiem;

id-dritt tal-pubblikazzjoni ta’ EUR 120, li jista’ jiżdied b’EUR 60 għat-tieni sal-għaxar pubblikazzjoni addizzjonali, u b’EUR 30 mill-għaxar pubblikazzjoni ’l quddiem;

id-dritt tad-differiment tal-pubblikazzjoni ta’ EUR 40, li jista’ jiżdied b’EUR 20 għat-tieni sal-għaxar disinn u b’EUR 10 mill-għaxar disinn ’il quddiem.

4.2.3.

Id-drittijiet li għandhom jitħallsu jiddependu minn żewġ fatturi:

jekk l-applikazzjoni tinkludix disinn wieħed jew aktar;

jekk il-pubblikazzjoni tad-disinn hijiex se tiġi ddifferita jew le.

4.2.4.

L-istruttura tagħhom tikkorrispondi għall-mudell li ġej:

dritt bażiku għal disinn wieħed jew l-ewwel disinn ta’ applikazzjoni multipla;

dritt imnaqqas għat-tieni sal-għaxar disinn;

tnaqqis ulterjuri tad-dritt għal kull disinn, mill-ħdax-il disinn ’il quddiem.

4.2.5.

Il-Proposta għal Regolament tipprevedi tnaqqis għal EUR 70 tal-ispiża tal-ewwel tiġdid (wara ħames snin) u żieda għal EUR 140 għat-tieni tiġdid (wara 10 snin), għal EUR 280 għat-tielet tiġdid (wara 15-il sena) u għal EUR 560 għar-raba’ tiġdid (wara 20 sena). Is-somma tad-drittijiet għall-ewwel żewġ tiġdidiet tibqa’ l-istess bħal dik dovuta attwalment, jiġifieri total ta’ EUR 210, iżda d-drittijiet ta’ tiġdid sussegwenti jiżdiedu drastikament.

4.2.6.

Din il-proposta ma tidhirx li hija favorevoli għall-SMEs u d-disinjaturi individwali kif hija ssostni. Għalhekk, il-KESE jappella għal ammonti aktar baxxi għall-SMEs u d-disinjaturi individwali, possibbilment fi proporzjon mal-fatturat tagħhom.

4.2.7.

Barra minn hekk, il-KESE ma jemminx li l-bidla fl-istruttura tad-drittijiet li tikkonsisti fl-amalgamazzjoni tad-drittijiet ta’ pubblikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni se tnaqqas l-ispiża totali tad-drittijiet.

4.3.    Tħassir tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi”

4.3.1.

Anki jekk l-applikazzjoni tista’ tkun relatata ma’ diversi disinji, dawn għandhom neċessarjament ikunu intiżi sabiex jiġu inkorporati jew applikati għal prodotti li jappartjenu għall-istess “klassi”, bis-saħħa tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi”. Dawn il-klassijiet huma organizzati fil-Klassifika Internazzjonali tad-Disinji Industrijali (tal-Ftehim ta’ Locarno).

4.3.2.

Tali Klassifika Internazzjonali, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Locarno, minnha nnifisha hija ta’ natura amministrattiva u tinkludi:

lista ta’ klassijiet u subklassijiet;

lista alfabetika ta’ prodotti li jikkostitwixxu disinji industrijali, li tindika l-klassijiet u s-subklassijiet li fihom jitqiegħdu;

noti ta’ spjegazzjoni.

4.3.3.

It-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” prevista fil-Proposta għal Regolament, li tippermetti lill-kumpaniji jippreżentaw applikazzjonijiet ta’ disinn multipli billi jikkombinaw diversi disinji fl-istess applikazzjoni multipla u unika, mingħajr ma jkollha għalfejn tkun limitata għal prodotti li jappartjenu għall-istess Klassifika Internazzjonali, għandha l-għan li tħeġġeġ lill-SMEs u lid-disinjaturi individwali jippreżentaw id-disinji tagħhom biex jipproteġuhom.

4.3.4.

Fil-fehma tal-KESE, is-semplifikazzjoni li tirriżulta mit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ “unità tal-klassi” hija meħtieġa iżda mhix biżżejjed, peress li għad hemm bżonn li tittejjeb l-ergonomija tas-sistemi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinji offruti fuq is-siti web tal-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà industrijali u l-EUIPO.

4.3.5.

L-uffiċċji jistgħu jużaw l-għarfien espert tal-aġenti tal-privattivi biex jindirizzaw din l-isfida u b’hekk jagħmluha aktar faċli għall-SMEs u għad-disinjaturi individwali biex jipproteġu d-disinji tagħhom.

4.3.6.

Naturalment, dawn l-aġenti tal-privattivi se jkomplu jakkumpanjaw lid-detenturi tad-drittijiet biex jisfruttaw id-disinji tagħhom u jirrappreżentawhom f’tilwima.

4.4.    Id-delega tas-setgħa u l-adozzjoni ta’ atti delegati

4.4.1.

Il-Proposta għal Regolament tipprevedi li d-dispożizzjonijiet relatati ma’ tilwim dwar il-liġi tad-disinn jiġu adottati f’atti delegati.

Dawn jirrigwardaw:

l-irtirar u l-modifika tad-disinn (l-Artikoli 47a u 47b);

id-dikjarazzjonijiet ta’ invalidità (l-Artikolu 53a);

il-proċedimenti ta’ appell għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju (Artikolu 55a);

il-proċedimenti orali quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju (l-Artikolu 64a);

il-kumpilazzjoni ta’ evidenza (l-Artikolu 65a);

in-notifika ta’ deċiżjonijiet u ċitazzjonijiet (Artikolu 66a);

il-proċedura għall-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju (l-Artikolu 66d);

il-kalkolu u d-durata tal-limiti ta’ żmien tal-proċeduri (l-Artikolu 66f);

it-tkomplija tal-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju (l-Artikolu 67c);

ir-rappreżentanza professjonali quddiem l-Uffiċċju f’każ ta’ tilwima (l-Artikolu 78a);

il-ħlas ta’ drittijiet u imposti (l-Artikolu 106aa).

4.4.2.

Il-KESE jqis li mhuwiex adatt li jintuża l-Artikolu 290 tat-TFUE biex jitfasslu r-regoli dwar it-tilwim u l-appelli għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, peress li att delegat huwa maħsub biss biex jissupplimenta l-att bażiku u għandu jkun relatat biss ma’ elementi mhux essenzjali. Id-dispożizzjonijiet imsemmija jikkonċernaw id-drittijiet previsti fit-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar il-ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala elementi mhux essenzjali tal-att bażiku.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-kawżi magħquda C-397/16 u C-435/16

(2)  Id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU L 289, 28.10.1998, p 28).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1).


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 — Il-ġemellaġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali f’kuntest ġeopolitiku ġdid”

(COM(2022) 289 final)

(2023/C 184/08)

Relatur:

Angelo PAGLIARA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.10.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

10.3.2023

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

204/0/3

Preambolu

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea u din l-Opinjoni tfasslu fi żmien ikkaratterizzat mill-implikazzjonijiet soċjali, ġeopolitiċi u ekonomiċi marbuta mal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna li għadha għaddejja. L-għażliet strateġiċi li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel f’dawn ix-xhur se jikkaratterizzaw mhux biss l-ilħuq tal-objettivi marbuta mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, iżda wkoll ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni.

Għalhekk, permezz ta’ din l-Opinjoni, u konxju tar-rwol fundamentali li s-soċjetà ċivili organizzata għandha biex jiġu identifikati u interpretati l-megatendenzi, u għadaqstant, l-importanza li hija tiġi involuta mill-bidu tal-proċess ta’ prospettiva strateġika tal-UE, il-KESE beħsiebu wkoll jikkontribwixxi għall-abbozzar tar-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2023, li se jiffoka fuq orjentazzjonijiet strateġiċi sabiex jissaħħaħ ir-rwol globali tal-UE.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-aġenda ta’ prospettiva strateġika, u jappella biex ikun involut aktar fil-proċess sa mill-bidu nett. Involviment akbar tal-KESE, bħala l-vuċi tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata, itejjeb il-kapaċità analitika u ta’ prospettiva tal-UE, u jgħin biex jiġu identifikati x-xejriet u s-soluzzjonijiet possibbli.

1.2

Il-KESE jittama li l-aġenda ta’ prospettiva strateġika, kif ukoll l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ikunu mmirati lejn il-bini ta’ mudell ġdid ta’ żvilupp li jqis is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali.

1.3

Peress li l-kisba tat-tranżizzjoni doppja tiddependi wkoll mir-rieda u l-imġiba tan-nies, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni wkoll lit-tħassib tas-soċjetà u n-nuqqas ta’ ħeġġa possibbli tan-nies għall-bidliet proposti.

1.4

Ir-rapport jiddeskrivi l-futur mixtieq u r-riżorsi meħtieġa biex dan jinkiseb, iżda ma jindirizzax fil-fond biżżejjed ir-riskji u t-theddid. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiddeskrivi ir-riskji b’mod aktar ċar u tanalizza l-possibbiltajiet u x-xenarji f’każ li l-objettivi mixtieqa ma jintlaħqux, speċjalment fil-parti dwar id-disponibbiltà tal-materja prima, il-metalli tal-materjali tal-art rari, ir-riżorsi tal-ilma u kwistjonijiet relatati possibbli.

1.5

L-isfidi ġeopolitiċi attwali se jinfluwenzaw is-sistemi tal-provvista u r-reżiljenza tas-settur agroalimentari tal-Ewropa. L-avvenimenti reċenti marbuta mal-COVID-19 u mal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fixklu s-sistema ta’ distribuzzjoni tagħna u dan x’aktarx li se jerġa’ jseħħ fi żmien qasir. Il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-importazzjonijiet tal-għalf, tal-fertilizzanti u ta’ inputs oħra, u jipproponi li tiġi stabbilita definizzjoni ta’ awtonomija strateġika miftuħa li tapplika għal sistemi tal-ikel ibbażati fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-forza tax-xogħol u l-kummerċ ġust, bil-għan ġenerali li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini kollha tal-UE permezz ta’ provvista tal-ikel tajba għas-saħħa, sostenibbli, reżiljenti u ġusta.

1.6

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika ma jqisx l-importanza strateġika ta’ sistema industrijali Ewropea b’saħħitha, koeżiva u innovattiva, li kapaċi tiġġenera impjiegi ta’ kwalità. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa previżjonijiet speċifiċi dwar il-futur tal-politika industrijali Ewropea, u jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ politiki ekonomiċi adatti sabiex jissaħħu l-kompetittività u l-produttività fit-tul u tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat f’dan ir-rigward.

1.7

L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġija u r-realtà ekonomika u ġeopolitika l-ġdida se jkollhom impatt fuq it-triq lejn it-tranżizzjoni doppja. Il-KESE jilqa’ d-determinazzjoni tal-UE li tilħaq l-objettivi tagħha, iżda fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżviluppaw l-għodod kollha meħtieġa sabiex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-enerġija, tissaħħaħ is-sistema industrijali Ewropea, u jiġu appoġġjati n-negozji u l-ħaddiema fid-dawl ta’ dak li sar matul il-kriżi tal-pandemija permezz tal-adozzjoni ta’ strument ibbażat fuq il-mudell SURE.

1.8

Il-KESE jilqa’ ż-żieda fir-referenza għad-dimensjoni soċjali u, kif diġà għamel fl-Opinjoni tiegħu tal-2021, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, bħala parti mill-analiżi strateġika tagħha, għodod speċifiċi ta’ tbassir relatati mal-impatt tat-tranżizzjonijiet fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali, u konsegwentement tipproponi miżuri speċifiċi biex jiġu mitigati l-effetti soċjali tat-tranżizzjoni doppja.

1.9

Il-KESE jemmen li biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali, jeħtieġ li l-UE żżomm mal-valuri tagħha u tkompli taħdem flimkien ma’ pajjiżi terzi, issaħħaħ il-politika esterna komuni, tfittex soluzzjonijiet komuni, u tiżgura li l-kooperazzjoni u l-kummerċ tagħna jkunu ta’ benefiċċju għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali tal-popli ta’ dawk il-pajjiżi, speċjalment fid-dawl tas-sostenibbiltà fit-tul.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

L-aggressjoni militari Russa fuq it-territorju Ukren u l-konsegwenzi fuq is-sistema ekonomika, soċjali u industrijali – f’termini ta’ teknoloġija, kummerċ, standards ta’ investiment u bidliet fl-istruttura industrijali – isaħħu l-ħtieġa li jsir investiment fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, anke bil-għan li tiġi segwita l-awtonomija strateġika Ewropea. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jilqa’ r-riflessjoni strateġika dwar l-interazzjoni bejn it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, u l-kapaċità tagħhom li jsaħħu lil xulxin.

2.2

Is-sensiela ta’ kriżijiet, l-ewwel il-pandemija mbagħad il-kriżi militari, żiedet id-domanda għas-sigurtà, fid-diversi aspetti tal-ħajja, minn popolazzjoni li qed tfittex protezzjoni akbar. F’dan il-kuntest, għall-ilħuq tal-objettivi tat-tranżizzjoni doppja jridu jitqiesu sew il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi potenzjali, kif ukoll il-konsegwenzi fl-oqsma l-oħra kollha, inkluż permezz ta’ strumenti ta’ politika adattati. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrimarka li ċ-ċittadini Ewropej, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, jistgħu jirreżistu aktar il-bidliet li jirriżultaw minn dawn it-tranżizzjonijiet jekk iqisu li l-konsegwenzi tagħhom qed jaffettwawhom b’mod negattiv.

2.3

Involviment akbar tal-KESE, bħala l-vuċi tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata, fl-attivitajiet taċ-ċiklu tal-aġenda ta’ prospettiva strateġika, isaħħaħ il-kapaċità analitika u ta’ prospettiva tal-UE, u jagħmilha possibbli li jiġu identifikati aħjar it-tendenzi.

2.4

Il-KESE jiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ prospettiva strateġika tas-soċjetà ċivili organizzata kemm permezz tal-membri tiegħu (u għalhekk, permezz tagħhom, tal-organizzazzjonijiet nazzjonali li huma jirrappreżentaw), kif ukoll tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu, li fih huma rappreżentati l-akbar networks u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. B’mod partikolari, huwa jiffaċilitata d-djalogu u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata, jissensibilizza dwar l-importanza tal-prospettiva strateġika, u jipprovdi wkoll għodod konkreti biex din tinkiseb. L-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili organizzata rrappreżentata mill-KESE se jagħmilha wkoll aktar faċli biex id-dimensjonijiet differenti (industrijali, soċjali, ekonomiċi, ambjentali, eċċ.) jiġu inklużi fl-aġenda strateġika b’mod olistiku

2.5

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE huwa ħerqan ħafna li jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea fiċ-ċiklu ta’ prospettiva strateġika mill-bidu nett tal-proċess sabiex dan isir aktar parteċipattiv. Eżempju ta’ dan huwa s-seduta li permezz tagħha l-KESE ġabar il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-esperti, biex jirrifletti dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li l-UE se tiffaċċja biex timxi lejn Ewropa soċjalment u ekonomikament sostenibbli. Il-KESE joffri, permezz ta’ din l-Opinjoni, kontribut u suġġerimenti dwar dawn l-aspetti ewlenin li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiffoka fuqhom fir-rapport li jmiss tagħha.

2.6

Minħabba l-isfidi u l-opportunitajiet li l-Ewropa se tiffaċċja fid-deċennji li ġejjin, huwa mistenni li l-prospettiva strateġika ssir aktar importanti. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-aġenda ta’ prospettiva strateġika billi żżid l-involviment tal-KESE fil-fażi ta’ analiżi u żvilupp tar-rapport.

2.7

Ir-rapport ma jqisx b’mod adegwat il-fatt li d-distakk diġitali bejn ir-reġjuni differenti tal-UE jipperikola l-ilħuq tal-objettivi tat-tranżizzjoni doppja. Ir-rapport strateġiku li jmiss irid iqis dawn id-distakki u l-konsegwenzi possibbli mil-lat soċjali u f’termini tal-opportunitajiet disponibbli.

2.8

Il-KESE huwa konxju ta’ kif it-teknoloġiji diġitali jistgħu jinfluwenzaw b’mod pożittiv l-ilħuq tal-objettivi klimatiċi, kif ukoll isaħħu s-sigurtà tal-enerġija, u kif it-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tittrasforma wkoll is-settur diġitali u l-ekonomija. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-għadd kbir ta’ referenzi għall-ħtieġa ta’ investiment fit-teknoloġija u għal politiki adatti biex jintlaħqu l-objettivi, u japprova wkoll ir-referenzi għall-ħtieġa li jiġu adottati miżuri taċ-ċibersigurtà biex jiġu protetti t-teknoloġiji strateġiċi.

2.9

F’diversi okkażjonijiet, ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 jenfasizza l-kwistjoni tal-ħtiġijiet tal-enerġija minħabba d-diġitalizzazzjoni u l-konsum iġġenerat mill-operat tan-networks, tas-sistemi u tal-apparati, ikkumpensati miż-żieda fl-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-proċessi li għalihom jiġu applikati (l-agrikoltura, il-loġistika, il-cloud computing, eċċ.). Jidhru li huma f’waqthom ir-referenzi għall-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u li tiġi restawrata l-enfasi akbar tal-Ewropa fuq l-ekonomija ċirkolari tas-settur (mill-aċċess għall-materja prima kritika, għall-ġestjoni tal-iskart elettroniku, u għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati).

2.10

Madankollu, il-benefiċċji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-enerġija tat-tranżizzjoni diġitali (tranżizzjoni lejn “mingħajr karti” u “sostituzzjoni”) għandhom jissemmew b’mod aktar espliċitu, b’hekk jgħinu biex iċ-ċittadini u dawk li jfasslu l-politika jemmnu aktar fil-valur u l-impatt ta’ dawn il-proċessi ta’ trasformazzjoni profonda.

2.11

Fost il-bidliet assoċjati mad-diġitalizzazzjoni, ma hemm l-ebda referenza għall-kriptovaluti u l-muniti diġitali. Fil-fatt, il-prevalenza dejjem akbar tagħhom hija relatata direttament man-natura mifruxa tad-diġitalizzazzjoni u mal-iżvilupp tat-teknoloġija blockchain, li l-flussi tagħhom imorru lil hinn mill-kapaċitajiet regolatorji tal-Istati, u b’hekk iħallu lok biżżejjed għat-tħaddim tal-ekonomija illegali. Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ taqsima ddedikata fir-rapport ta’ prospettiva strateġika għall-interpretazzjoni u l-analiżi dwar l-użu tal-kriptovaluti u l-muniti diġitali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta u timplimenta qafas regolatorju uniku f’konformità mal-konklużjonijiet tal-G20.

2.12

Il-KESE jilqa’ t-taqsima dedikata għas-suġġett tal-agrikoltura fir-rapport ta’ prospettiva, peress li dan ipoġġi r-rwol tal-politika Ewropea u ċ-ċentralità tal-azzjoni tagħha fid-determinazzjoni tal-iżviluppi futuri fiċ-ċentru tal-prospettiva, għall-kuntrarju ta’ ħafna oqsma oħra. F’dan il-każ, ir-rapport jispeċifika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-UE biex jiġi evitat rigress riskjuż, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa ġeneralment il-każ fl-oqsma l-oħra li qed jiġu analizzati.

2.13

Is-sistemi tal-ikel tal-UE għandhom ikunu aktar diversifikati; il-forza tax-xogħol agrikola għandha tissaħħaħ speċjalment billi jiġu attirati ż-żgħażagħ u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni deċenti; il-politiki kummerċjali għandhom ikunu allinjati mal-istandards tal-UE dwar is-sostenibbiltà tal-ikel u l-kompetittività. Għandhom jiġu indirizzati wkoll il-kwistjonijiet tal-konċentrazzjoni fil-ktajjen tal-ikel u fis-sjieda finanzjarja, kif ukoll it-trasparenza tas-suq, biex jiġi żgurat li kriżijiet futuri ma jiġux aggravati minn spekulazzjoni eċċessiva tal-komoditajiet.

2.14

Il-KESE jixtieq jenfasizza li fil-kuntest ġeopolitiku attwali l-aċċess għall-materja prima kritika huwa kruċjali mhux biss biex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja, iżda fuq kollox biex tinżamm u tissaħħaħ is-sistema industrijali Ewropea, kif ukoll għar-reżiljenza soċjali, ekonomika u tal-impjiegi. Għal dan il-għan, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twettaq analiżi aktar dettaljata bl-użu ta’ għodod adatti ta’ analiżi (anke minnn perspettiva ġeopolitika) u ta’ tbassir.

2.15

Il-KESE jinnota li l-ilma u r-riżorsi tal-ilma, imsemmija f’diversi okkażjonijiet fir-rapport, jirrappreżentaw mhux biss problema iżda wkoll potenzjal, speċjalment fir-rigward tat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-ilma, il-ġestjoni tar-riżorsi u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għal konsum responsabbli. B’mod partikolari, l-ekonomija blu taqdi rwol konsiderevoli u għandha potenzjal dejjem akbar għall-ekonomija tal-UE u dik globali, f’termini ta’ ħolqien tal-impjiegi u l-benesseri tan-nies. Il-KESE jemmen li dawn l-opportunitajiet – li jkopru firxa wiesgħa ta’ setturi u operazzjonijiet kemm tradizzjonali kif ukoll emerġenti – għandhom jiġu sfruttati kemm jista’ jkun, u fl-istess ħin għandu jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq il-klima, il-bijodiversità u l-ambjent.

2.16

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tranżizzjoni doppja, biex tqis aktar il-bidliet possibbli fix-xenarju li jirriżultaw mill-gwerra fl-Ukrajna, speċjalment fir-rigward tal-provvista tal-enerġija u tal-materja prima kritika.

2.17

Il-KESE jaqbel mas-sejħa biex il-politiki Ewropej jiġu adattati għal mudell ekonomiku ġdid, għal żieda fl-investiment biex jissaħħaħ il-benesseri, u għal żieda fil-produttività u fil-kompetittività tas-sistema industrijali u ekonomika tal-Ewropa. F’dan ir-rigward, jitlob li jiġu żviluppati previżjonijiet speċifiċi dwar il-futur tal-politika industrijali Ewropea, li hija essenzjali għall-kisba ta’ awtonomija strateġika sħiħa.

2.18

Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni biex jiżdied l-investiment pubbliku u privat sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni. Madankollu, huwa jindika li l-għażliet ekonomiċi Ewropej, u speċjalment il-prospetti ta’ żieda ulterjuri fir-rati tal-imgħax, jistgħu jaffettwaw l-investimenti b’mod negattiv.

2.19

Il-KESE jilqa’ s-sejħa għal tranżizzjoni ġusta u l-enfasi akbar tar-rapport fuq il-koeżjoni soċjali u r-rwol tad-djalogu soċjali, meta mqabbel mar-rapport preċedenti. Il-KESE jemmen ukoll li l-enfasi fuq id-dimensjoni soċjali u l-kwalità tax-xogħol ser isiru fatturi ta’ prijorità fuq l-aġenda Ewropea, li jimmodifikaw skala ta’ prijoritajiet li għandha tpoġġihom f’pożizzjoni komplementari.

2.20

Il-KESE japprezza l-attenzjoni li ngħatat fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 għall-bidliet li rriżultaw mit-tranżizzjoni doppja fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-aktar partijiet vulnerabbli tas-soċjetà (familji, komunitajiet), kif ukoll l-enfasi simultanja fuq il-ħtieġa ta’ riżorsi adegwati għal intervent soċjali. Il-KESE jitlob ukoll li tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

2.21

Il-KESE jistieden lill-UE tqis it-tixjiħ tal-popolazzjoni u t-tibdil demografiku, u ż-żieda konsegwenti fid-domanda prevedibbli għall-kura minn naħa, u n-nuqqas ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa min-naħa l-oħra. L-UE jeħtiġilha tiżgura li l-kura tibqa’ aċċessibbli u affordabbli u ma ssirx oġġett lussuż.

2.22

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-mod ambigwu li bih ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 jindirizza l-kwistjoni tal-aċċellerazzjoni tal-ibridizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol iġġenerata mill-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni (billi sempliċment jirreferi għal din il-kwistjoni f’paragrafu dwar id-diġitalizzazzjoni u d-domanda għat-trasport), u qiesha bħala konsegwenza ta’ sempliċi proċess ta’ trasformazzjoni teknoloġika, b’hekk ġew injorati l-effetti tagħha fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll fuq il-ħtiġijiet regolatorji assoċjati.

2.23

Il-KESE jinnota li s-sistema ta’ prospettiva strateġika tirriskja li ssir ekonomistika żżejjed, u ċċentrata fuq il-kompetizzjoni u fuq is-suq bħala dik li verament iżżomm flimkien l-azzjoni, l-interessi u l-istrateġija Ewropej. Dan ipoġġi lis-soċjetà ċivili u lill-ħaddiema fi rwol komplementari, mingħajr ma jqis biżżejjed il-kapaċità tat-tranżizzjoni doppja li tiġġenera ġid ġdid u akbar, u li tiffaċilita l-ħolqien ta’ mudelli ġodda li kapaċi jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jissoċjalizzaw il-benefiċċji ġġenerati.

2.24

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq stħarriġ speċifiku tal-Ewrobarometru dwar is-suġġetti koperti fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika li jmiss sabiex jinftiehmu aħjar l-aspettattivi u l-fehmiet taċ-ċittadini. Dan huwa kruċjali wkoll biex tiġi antiċipata l-aċċettazzjoni futura tal-miżuri proposti mill-analiżi ta’ prospettiva.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Mogħdija lejn sistema tal-ikklerjar tal-UE aktar b’saħħitha”

(COM(2022) 696 final)

u dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2017/1131 fir-rigward ta’ miżuri sabiex jittaffew l-iskoperturi eċċessivi għal kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi u tittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tal-ikklerjar tal-Unjoni”

(COM(2022) 697 final — 2022/0403 (COD))

(2023/C 184/09)

Relatur:

Florian MARIN

Konsultazzjoni

Kunsill, 31.1.2023

Parlament Ewropew, 1.2.2023

Kummissjoni Ewropea, 8.2.2023

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

2.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta għal regolament (1) u l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-awtonomija strateġika tas-swieq kapitali tagħna, iżżid il-kapaċità interna ta’ kklerjar, u tagħmel is-sistema tal-ikklerjar tal-UE aktar sigura u robusta. Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali għall-istabbiltà finanzjarja tas-swieq kapitali tal-UE li jkollna sistema tal-ikklerjar kompetittiva u effiċjenti.

1.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-kmamar tal-ikklerjar ibbażati fl-UE għandhom jiżviluppaw, ifasslu u jinvestu fit-titjib tal-oqfsa tal-kapaċità tagħhom biex iħeġġu lill-operaturi tas-suq jikklerjaw l-operazzjonijiet tagħhom fl-UE.

1.3.

Il-Kumitat jemmen li kellu jiġu implimentat pjan komprensiv biex jinkoraġġixxi t-tranżizzjoni lejn operaturi tal-ikklerjar ibbażati fl-UE immedjatament wara l-Brexit, u jinsab diżappuntat dwar il-proċess kajman ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ suq tad-derivattivi ta’ EUR 81 triljun. Il-KESE kien qiegħed jistenna pożizzjoni aktar ċara dwar it-tnaqqis tal-esponiment għal kontropartijiet ċentrali tar-Renju Unit u regoli u inċentivi aktar speċifiċi biex jiġi xprunat iċ-ċaqliq lejn kontropartijiet ċentrali bbażati fl-UE.

1.4.

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li jkun hemm data speċifika dwar is-sistema ta’ kklerjar tal-UE li tkopri l-klassijiet u l-volumi tal-assi kollha, u jemmen li għandu jsir aktar f’dan ir-rigward. Ir-relazzjoni bejn id-data miġbura u d-dinamika tar-riskju għandha titqies fuq bażi regolari sabiex ikun hemm fehim aktar preċiż tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Il-KESE japprezza li minbarra r-riskju finanzjarju, il-mudelli tar-riskju jridu jqisu r-riskji soċjali, ta’ governanza u ambjentali tal-kontropartijiet ċentrali, u għandhom ikunu daqstant ieħor importanti fi ħdan xenarji u analiżi tar-riskji differenti.

1.5.

Il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni komprensiva ta’ spejjeż addizzjonali potenzjali għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u entitajiet oħrajn tal-UE rigward il-forza tax-xogħol, is-sistemi tal-IT, it-timijiet superviżorji konġunti u l-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ propost.

1.6.

Fid-dawl tas-setgħat addizzjonali li ngħataw lill-ESMA bit-tibdil tal-2019 għar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (Regolament EMIR) u l-proposta attwali għal regolament, il-KESE jixtieq jara sistema ta’ kontrokontrolli fir-rigward tal-attività tal-ESMA. Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-ESMA għandha tagħmel aktar biex tistabbilixxi li proporzjon sinifikanti tas-servizzi pprovduti lill-klijenti tal-UE tagħhom għandhom jiġu kklerjati mill-kontropartijiet ċentrali tal-UE.

1.7.

Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet intragrupp, il-Kumitat japprezza d-deċiżjoni li entitajiet minn pajjiżi elenkati bħala ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa u dawk elenkati bħala ġuridizzjonijiet b’riskju għoli għal finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu ma jiġux eżentati mill-obbligi ta’ kklerjar u r-rekwiżiti tal-marġni.

1.8.

Il-KESE jinsab diżappuntat li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni komprensiva tal-qafas eżistenti u ta’ kif inbidlet l-attraenza tas-suq tal-UE f’dawn l-aħħar snin, peress li l-aħħar li r-Regolament ġie emendat kien aktar minn tliet snin ilu. Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni tal-Artikolu 7b, u jitlob lill-ESMA tippreżenta rapport dwar ir-raġunijiet ewlenin għall-użu ta’ kontropartijiet ċentrali mhux tal-UE sena wara li jidħol fis-seħħ ir-Regolament.

1.9.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-kontropartijiet ċentrali tal-UE jridu jkunu trasparenti dwar it-tariffi, l-appelli għall-marġni u l-azzjonijiet tagħhom matul perjodi ta’ stress fis-suq, sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tal-parteċipanti kollha tas-suq.

1.10.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tispjega d-definizzjoni speċifika tat-terminu “b’mod urġenti” fil-modifiki ssuġġeriti għall-Artikolu 20, u jitlob lill-koleġiżlaturi biex jistabbilixxu liema eżenzjonijiet huma meqjusa bħala deċiżjonijiet “urġenti”.

1.11.

Il-KESE jappoġġja l-modifiki proposti għall-Artikolu 23 rigward il-ħolqien ta’ timijiet superviżorji konġunti u l-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ. Il-Kumitat jipproponi li s-soċjetà ċivili tkun involuta fil-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ stabbilit fl-Artikolu 23c, u li l-KESE jkun parti minnu bħala osservatur.

1.12.

Il-KESE jqis li l-iskadenza ta’ ħames snin biex il-Kummissjoni tirrevedi l-applikazzjoni tar-Regolament hija twila wisq. Huwa jqis ukoll li għandu jsir aktar biex jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet jew biex jiġu estiżi attivitajiet u servizzi, kif ukoll biex tinbena bażi ta’ data ċentrali. Il-KESE jitlob għal aktar interoperabbiltà fis-sistema tal-ikklerjar Ewropea, kif ukoll piż amministrattiv imnaqqas u soluzzjonijiet ta’ aċċess aktar sempliċi.

1.13.

Il-Kumitat japprova ż-żieda fit-trasparenza li joffru l-modifiki għall-Artikolu 38, li jistipula li l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti li jipprovdu servizzi ta’ kklerjar għandhom jinfurmaw lill-klijenti u lill-klijenti potenzjali tagħhom dwar il-mudelli tal-marġni u dwar it-telf potenzjali jew kostijiet oħrajn.

2.   Sfond

2.1.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), li tnediet fl-2015 mill-Kummissjoni Ewropea, hija proġett ambizzjuż fuq perjodu ta’ żmien twil li huwa ffukat fuq l-iżgurar ta’ fluss liberu tal-kapital fl-Unjoni, wieħed mill-erba’ libertajiet fundamentali tas-suq uniku. Il-Brexit wassal għal tnaqqis drastiku fir-rwol globali tal-Ewropa fis-swieq kapitali, li naqas minn 22 % tal-attività globali qabel il-Brexit għal 14 % biss (2). Tletin sena wara li tnieda s-suq uniku, għoxrin sena wara l-introduzzjoni tal-euro u seba’ snin wara l-introduzzjoni tal-inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-UE għadha qed taħdem biex toħloq suq uniku kapitali.

2.2.

Ir-Refit tal-EMIR (3) u r-Regolamenti EMIR 2.2 (4) ipprovdew trasparenza msaħħa rigward il-kontropartijiet ċentrali minn pajjiżi terzi, introduċew tibdil għall-mandat tal-ikklerjar u taw setgħat addizzjonali lill-ESMA, l-awtorità superviżorja tal-UE. Din il-proposta għal regolament tagħti saħansitra aktar setgħat lill-ESMA. Peress li l-kapaċità tal-ikklerjar hija parti importanti tas-CMU, is-swieq finanzjarji Ewropej qegħdin jitqiegħdu f’riskju mid-dipendenza żejda fuq servizzi pprovduti minn kontropartijiet ċentrali minn pajjiżi terzi, speċjalment tar-Renju Unit (UK). Bħala parti mill-ftehim tal-Brexit, l-UE tippermetti lil clearers mir-Renju Unit biex ikomplu jipprovdu servizzi lil parteċipanti fis-suq tal-UE sal-aħħar ta’ Ġunju 2022. L-iskadenza ġiet estiża bi tliet snin minħabba t-theddida għall-istabbiltà tas-suq finanzjarju, bl-intenzjoni li jitħalla biżżejjed żmien għal trasferiment gradwali tal-operazzjonijiet ta’ kklerjar fl-UE.

2.3.

Il-proposta għal regolament għandha l-għan li tipprovdi aktar stabbiltà, previdibbiltà u proporzjonalità għall-operaturi kollha b’obbligi ta’ kklerjar, u tintroduċi rekwiżiti għall-parteċipanti tas-suq li jiddikjaraw kemm jiddependu minn pajjiżi terzi għall-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet ta’ derivattivi tagħhom. L-emendi proposti jiffukaw ukoll fuq miżuri biex il-kontropartijiet ċentrali tal-UE jsiru aktar attraenti u jitnaqqas il-piż amministrattiv, jiġi promoss l-ikklerjar ċentrali fl-UE billi l-operaturi tal-ikklerjar ikunu obbligati jkollhom kont attiv mal-kontropartijiet ċentrali tal-UE, u biex l-awtoritajiet lokali jiġu mogħtija s-setgħat meħtieġa biex jissorveljaw ir-riskju relatat ma’ tranżazzjonijiet transfruntiera.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE ilu żmien twil jappella għal leġiżlazzjoni li ssaħħaħ is-swieq kapitali tal-UE u li tagħmilhom aktar stabbli u attraenti (5). Fid-dawl tal-iżviluppi ġeopolitiċi reċenti (l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, tensjonijiet ġeopolitiċi f’ħafna partijiet tad-dinja, u l-pandemija tal-COVID-19) u l-effetti immedjati fuq l-ambjent ekonomiku, il-KESE jirrimarka li hija meħtieġa azzjoni rapida biex tiġi ssalvagwardjata u tiżdied l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE. Il-KESE jqis li huwa kruċjali għall-istabbiltà finanzjarja tas-swieq kapitali tal-UE li jkollhom sistema ta’ kklerjar kompetittiva u effiċjenti.

3.2.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta għal regolament u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġixxi biex tiżgura l-awtonomija strateġika tas-swieq kapitali tagħna, biex b’hekk tibni l-kapaċità ta’ kklerjar interna tagħna u tiżgura li s-sistema ta’ kklerjar tkun aktar sikura u reżiljenti. It-tisħiħ tas-suq ta’ kklerjar tal-UE għandu jqis l-ispejjeż iġġenerati mill-migrazzjoni tal-kapital minn swieq ta’ kklerjar mhux tal-UE, il-ħtieġa li jiġi protett l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, kif ukoll l-interdipendenza bejn is-swieq finanzjarji mhux tal-UE u dawk tal-UE.

3.3.

Il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament EMIR qiegħda tasal wara ż-żieda drammatika fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa, ikkawżata prinċipalment mill-attakk mhux ġustifikat tar-Russja fuq l-Ukrajna; dan iġġenera instabbiltà fis-swieq tal-ikklerjar, b’uħud mill-kumpaniji mhux qed ikunu kapaċi jipprovdu kollateral fuq il-kuntratti tad-derivattivi tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ biex il-konsolidazzjoni tas-settur tal-ikklerjar fl-UE tibqa’ prijorità. Għandhom jitqiesu l-prezz, il-likwidità, ir-riskju, il-marġnijiet, ir-regolamentazzjoni u l-effiċjenza bil-għan li s-sistema ta’ kklerjar tal-UE ssir aktar kompetittiva. Il-Kumitat jaqbel mal-ħtieġa li jitnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jingħataw awtorizzazzjonijiet jew biex jiġu estiżi attivitajiet u servizzi, kif ukoll li tinbena bażi ta’ data ċentrali.

3.4.

Il-Kumitat iqis li l-kontropartijiet ċentrali bbażati fl-UE għandhom joħolqu, ifasslu u jinvestu f’titjib tal-oqfsa tal-kapaċità tagħhom sabiex jikkonvinċu lill-operaturi tas-suq biex jikklerjaw l-operazzjonijiet tagħhom fl-UE, b’mod partikolari billi jsaħħu t-teknoloġija u l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom, jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn il-parteċipanti tas-suq u jtejbu l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju. Sabiex itejbu l-prevedibbiltà, il-kontropartijiet ċentrali jeħtiġilhom ikunu trasparenti dwar it-tariffi, l-appelli għall-marġni u l-azzjonijiet tagħhom waqt perjodi ta’ stress fis-suq.

3.5.

Swieq kapitali stabbli jirrikjedu suq tax-xogħol bilanċjat u stabbli. Il-KESE huwa konxju li minbarra r-riskju finanzjarju, il-mudelli tar-riskju jridu jqisu r-riskji soċjali, ta’ governanza u ambjentali tal-kontropartijiet ċentrali, u japprezza li dawn għandhom ikunu daqstant ieħor importanti fi ħdan xenarji u analiżi tar-riskji differenti.

3.6.

Il-KESE japprezza l-konsultazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fil-bidu tal-2022, il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew, mas-servizzi finanzjarji u mal-kumitati ekonomiċi u finanzjarji, kif ukoll il-laqgħat bilaterali ma’ partijiet interessati rilevanti.

3.7.

Il-KESE huwa diżappuntat li l-iskadenza biex kmamar tal-ikklerjar ibbażati fir-Renju Unit ikollhom aċċess illimitat għal partijiet interessati bbażati fl-UE ġiet estiża bi tliet snin, sat-30 ta’ Ġunju 2025. Huwa jqis li kellu jiġi stabbilit pjan dettaljat biex jinċentiva ċ-ċaqliq lejn operaturi tal-ikklerjar ibbażati fis-suq tal-UE minnufih wara l-Brexit. Il-Kumitat jikkritika n-nuqqas ta’ reazzjoni, il-konsultazzjoni limitata u l-proċess kajman għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-passat rigward suq tad-derivattivi ta’ EUR 81 triljun.

3.8.

Il-banek Ewropej jibbenefikaw minn pool ta’ diversi muniti tas-suq tar-Renju Unit, u l-bidla lejn il-kmamar tal-ikklerjar Ewropej tiġġenera proċess tal-ikklerjar ibbażat fuq l-euro, bi spejjeż sinifikanti għas-sistema bankarja. Għalkemm il-KESE jappoġġja din il-bidla, u jqis li din għandha ssir malajr kemm jista’ jkun, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajba sabiex il-banek ma jitħallewx jaqilbu għal swieq oħra. Għandhom jitqiesu inċentivi aktar immirati u adattati biex jiġi kkonsolidat is-settur tal-ikklerjar fl-UE.

3.9.

Peress li ħafna operaturi tas-suq tal-UE jikklerjaw it-tranżazzjonijiet tad-derivattivi tagħhom f’pajjiżi oħrajn, il-KESE kien qiegħed jistenna pożizzjoni aktar ċara kontra din ix-xejra u regoli u inċentivi aktar speċifiċi li jiskattaw iċ-ċaqliq lejn kontropartijiet ċentrali bbażati fl-UE. Il-Kumitat kien jistenna li mill-inqas l-entitajiet pubbliċi jkunu meħtieġa li jikklerjaw fl-UE, u jappella għal viżjoni ċara biex tintemm din id-dipendenza mill-aktar fis possibbli.

3.10.

Il-KESE jqis li l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ kklerjar fl-UE għandu jikkunsidra l-katina ta’ provvista kollha, għall-benefiċċju tal-parteċipanti tas-suq. Il-likwidità tas-suq għandha tiġi ġestita b’attenzjoni meta jitnaqqas l-esponiment għall-kontropartijiet ċentrali tar-Renju Unit, flimkien ma’ perspettiva aktar fit-tul u standardizzazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-aċċess għas-suq tal-ikklerjar tal-UE. Għandha tiġi kkunsidrata l-preparazzjoni tal-klijenti għall-ikklerjar, u għandhom isiru diversi simulazzjonijiet għall-benefiċċju ta’ dawk il-klijenti. Il-Kumitat iqis ukoll li l-ESMA għandha tadatta l-miżuri bir-reqqa għall-parteċipanti tas-suq ta’ daqs żgħir u medju.

3.11.

Il-KESE jisħaq fuq kemm huwa importanti r-rwol tal-kontropartijiet ċentrali minn pajjiżi terzi għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE. Huwa vitali li jitnaqqsu r-riskji ta’ konċentrazzjoni u li jiġi żgurat li r-relazzjonijiet ma’ dawn il-kontropartijiet ċentrali jkunu msejsa fuq approċċ trasparenti, prevedibbli, proporzjonali u orjentat lejn ir-riskju. Din il-proposta għal regolament ser tagħti lill-ESMA saħansitra aktar setgħat u l-KESE jixtieq jara sistema ta’ kontrokontrolli fuq l-attività tal-ESMA fis-seħħ.

3.12.

Il-KESE jissuġġerixxi li sabiex ikun hemm stampa ċara għall-finijiet ta’ monitoraġġ, huwa importanti li jkun hemm data speċifika dwar is-sistema tal-ikklerjar tal-UE; din id-data trid tkun komparabbli u tkopri l-klassijiet u l-volumi kollha tal-assi. Huwa importanti li tinġabar id-data t-tajba biex ikun hemm stampa preċiża tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, u s-sinerġija bejn id-data miġbura u d-dinamika tar-riskju għandha tiġi kkunsidrata fuq bażi sistematika. Il-KESE jqis li għandu jsir aktar f’dan ir-rigward.

3.13.

Għandhom jiġu kkunsidrati aktar sinerġiji bejn l-attivitajiet ta’ kklerjar u l-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP). L-ESAP jippromovi l-finanzi mmexxija mid-data u jtejjeb b’mod konsiderevoli l-aċċess minn kumpaniji, negozji u istituzzjonijiet finanzjarji għal data u informazzjoni dwar entitajiet, kif ukoll jadatta l-ekonomija għall-futur diġitali, isaħħaħ is-sovranità diġitali, iħaffef il-pass tal-fluss tal-informazzjoni u jistabbilixxi standards komuni, b’enfasi fuq id-data, it-teknoloġija u l-infrastruttura (6).

3.14.

Il-KESE jaqbel mal-proposta li r-regoli tal-EMIR dwar id-derivattivi jiġu mtaffija u li jkun permess li garanziji bankarji u ittri ta’ kreditu jiġu aċċettati bħala kollateral ta’ likwidità għolja, peress li alternattivi mhux abbażi ta’ flus kontanti jiżguraw il-likwidità tas-suq u huma diġà użati fuq skala kbira fi swieq kapitali aktar avvanzati, bħal dak tal-Istati Uniti. Il-KESE jappoġġja r-rwol akbar tal-banek ċentrali fil-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE.

3.15.

Il-KESE jappoġġja t-tibdil propost għall-Artikoli 11, 14, 15 u 17 rigward il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ erba’ xhur għall-kontropartijijet mhux finanzjarji li għall-ewwel darba huma mitluba jiskambjaw il-kollateral, kif ukoll rigward proċeduri iqsar u inqas kumplessi għall-kontropartijiet ċentrali biex jespandu l-prodotti tagħhom. Il-Kumitat jilqa’ l-bidliet proposti billi dawn se jissemplifikaw il-proċess għall-estensjoni tal-attivitajiet u tas-servizzi u għall-għoti jew għar-rifjut ta’ awtorizzazzjonijiet. Hija meħtieġa aktar interoperabbiltà fis-sistema ta’ kklerjar Ewropea, flimkien ma’ piż amministrattiv imnaqqas u soluzzjonijiet għall-aċċess aktar sempliċi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li “Din l-inizjattiva leġiżlattiva mhux se jkollha impatt fuq l-infiq għall-ESMA jew għal korpi oħrajn tal-Unjoni Ewropea”, u jqis li l-ispejjeż ser jiżdiedu f’oqsma bħall-forza tax-xogħol, is-sistemi tal-IT, it-timijiet superviżorji konġunti u l-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ. Il-Kumitat josserva li, fl-emenda proposta għall-Artikolu 90, il-Kummissjoni titlob lill-ESMA biex tirrapporta dwar “il-ħtiġijiet għal persunal u riżorsi”. Għaldaqstant, il-KESE jappella għal valutazzjoni dettaljata tal-ispejjeż addizzjonali, bil-kalkoli u t-tħabbir tal-implikazzjonijiet baġitarji stmati.

4.2.

Il-KESE jirrikonoxxi u jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi introdott rekwiżit għall-parteċipanti kollha fis-suq soġġetti għall-obbligi tal-ikklerjar biex ikollhom kont mal-kontropartijiet ċentrali tal-UE. Huwa jitlob lill-ESMA sabiex, wara konsultazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea, mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, tistabbilixxi proporzjon sinifikanti mis-servizzi pprovduti lill-klijenti tal-UE tagħhom identifikati bħala ta’ importanza sistemika sostanzjali li jridu jiġu kklerjati f’kontropartijiet ċentrali tal-UE.

4.3.

Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni li l-parteċipanti tas-suq jintalbu jirrapportaw iċ-ċifri preċiżi u d-dipendenza fuq clearers barranin. Il-Kumitat jistenna li l-ESMA tiżviluppa malajr standards tekniċi li jispeċifikaw din l-informazzjoni, jistenna bil-ħerqa rapport dettaljat sena wara d-dħul fis-seħħ u jistenna li r-Regolament EMIR jiġi emendat kif meħtieġ.

4.4.

Rigward tranżazzjonijiet intragrupp, il-KESE japprezza n-nuqqas ta’ eżenjoni mill-obbligu ta’ kklerjar u mir-rekwiżiti tal-marġni għal entitajiet minn pajjiżi elenkati bħala ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijijet ta’ taxxa u għal dawk elenkati bħala ġuriżdizzjonijiet ta’ riskju għoli għal skopijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u ta’ finanzjament kontra t-terroriżmu. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri amministrattivi relatati ma’ dawn il-ġuriżdizzjonijiet u jqis li dawn l-entitajiet jippreżentaw theddida sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-UE.

4.5.

Għalkemm l-aġġornamenti diġitali jfissru ħtiġijiet baġitarji akbar, il-KESE jqis li huwa vitali li jkun hemm l-investimenti diġitali fis-seħħ biex jappoġġjaw l-aġġornamenti proposti għar-Regolament EMIR. Il-Kumitat japprezza l-proposta għal programm tal-IT avvanzat għas-sottomissjoni ta’ dokumenti superviżorji online, aċċessibbli għall-awtoritajiet relevanti kollha.

4.6.

Il-KESE jinsab diżappuntat li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni dettaljata tal-qafas eżistenti, peress li l-aħħar li r-Regolament ġie emendat kien aktar minn tliet snin ilu. Barra minn hekk, sabiex l-emendi attwali jkunu adattati għall-iskop tagħhom, il-Kumitat kien jistenna analiżi mmirata ta’ kif inbidlet l-attraenza tas-suq tal-UE f’dawn l-aħħar snin, speċjalment b’rabta mal-iżviluppi ġeopolitiċi sinifikanti riċenti.

4.7.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-istandards tekniċi żviluppati taħt l-Artikolu 7 għandhom ikunu trasparenti u inklussivi. L-għażla li jiġu introdotti bidliet bil-għan li dawn l-istandards jiġu adattati malajr ukoll għandha tiġi kkunsidrata. L-għoti ta’ għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet għall-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni, l-ispejjeż ta’ kklerjar u l-ispejjeż għall-membri tal-ikklerjar huwa importanti għall-maniġers tal-assi.

4.8.

Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni tal-Artikolu 7b li jispeċifika li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kklerjar għandhom jirrapportaw dwar l-ambitu tal-attività ta’ kklerjar f’kontroparti ċentrali mhux tal-UE u l-obbligu li jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar il-possibbiltà li kuntratt rilevanti jiġi kklerjat f’kontroparti ċentrali tal-UE. Il-Kumitat jitlob lill-ESMA biex tiżviluppa proċedura ta’ rappurtar standardizzata biex tintuża fl-Istati Membri kollha, u jirrakkomanda li jiġi ppreżentat rapport dwar ir-raġunijiet ewlenin għaliex jintużaw kontropartijiet ċentrali mhux tal-UE sena wara li r-Regolament jidħol fis-seħħ. Għandu jiġi ġestit ukoll approċċ komuni għall-multi għal operaturi tas-suq sabiex tiġi żgurata proporzjonalità fis-suq uniku.

4.9.

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tiċċara t-tifsira preċiża tal-kliem “b’mod urġenti” fil-bidliet proposti għall-Artikolu 20, u jitlob lill-koleġiżlaturi biex jiftiehmu u jispeċifikaw liema eżenzjonijiet jaqgħu taħt id-deċiżjoni “urġenti”.

4.10.

Il-KESE jaqbel mal-bidliet proposti għall-Artikolu 23 rigward l-istabbiliment ta’ timijiet superviżorji konġunti u l-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ, iżda jinnota li dawn ser ikollhom implikazzjonijiet baġitarji peress li dawn l-awtoritajiet ser jeħtiġilhom iħaddmu aktar persunal, inkluż għall-ESMA. Il-KESE jipproponi li s-soċjetà ċivili tkun involuta fil-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ stabbilit fl-Artikolu 23c, speċjalment rigward id-deċiżjonijiet ta’ politika futuri.

4.11.

Valutazzjoni tajba tal-interkonnessjonijiet, tar-rabtiet u tar-riskji ta’ konċentrazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Superviżorju tal-kontroparti ċentrali(l-Artikolu 24a) titlob ukoll l-involviment tas-soċjetà ċivili, u l-KESE għandu jkun parti mill-Mekkaniżmu Konġunt ta’ Monitoraġġ bħala osservatur. Il-ħtieġa li titnaqqas id-duplikazzjoni ta’ responsabbiltajiet bejn għadd kbir ta’ awtoritajiet involuti fis-sistema tal-ikklerjar għandha tiġi kkunsidrata. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandha tkun effiċjenti u adattata għad-dinamika tar-riskji tas-suq.

4.12.

L-iskadenza ta’ ħames snin biex il-Kummissjoni tirrevedi b’reqqa l-applikazzjoni tar-Regolament wara d-dħul fis-seħħ tiegħu tidher twila ferm, minħabba l-perjodu bejn l-emendi għar-Regolament EMIR. Barra minn hekk, il-KESE kien qiegħed jistenna r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Refit tal-EMIR u tar-Regolament EMIR 2.2, kif maqbul, fit-2 ta’ Jannar 2023, iżda l-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi li tħassru. Il-Kumitat huwa kontra din il-proposta u jqis li tista’ twassal biex l-emendi għall-EMIR ma jiġux ivvalutati, minħabba t-tibdil konsegwenti li diġà sar lir-Regolament EMIR.

4.13.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jaqbel maż-żieda fit-trasparenza li toffri l-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 38 dwar l-obbligu tal-membri tal-ikklerjar u tal-klijenti li jipprovdu servizzi ta’ kklerjar li jinfurmaw lill-klijenti u lill-klijenti potenzjali tagħhom dwar il-mudelli tal-marġni u t-telf potenzjali jew kostijiet oħrajn, jekk il-kontroparti ċentrali tieħu miżuri ta’ rkupru. Il-KESE jqis li l-membri tal-ikklerjar ukoll għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tat-trasparenza fi ħdan is-sistema tal-ikklerjar tal-UE.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2022) 697 final.

(2)  Report – A new vision for EU capital markets (Rapport — Viżjoni ġdida għas-swieq kapitali tal-UE (mhux disponibbli bil-Malti)).

(3)  ĠU L 141, 28.5.2019, p. 42.

(4)  ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1.

(5)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20.

(6)  ĠU C 290, 29.7.2022, p. 58.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni”

(COM(2022) 707 final — 2022/0413 (CNS))

(2023/C 184/10)

Relatur: Petru Sorin DANDEA

Korelatur: Benjamin RIZZO

Konsultazzjoni

Kunsill, 7.2.2023

Bażi legali

Artikoli 113, 115 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

2.3.2023

Data tal-adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (Direttiva DAC 8) li tikkwalifika bħala pass sostanzjali ’l quddiem biex ittejjeb u tikkomplementa d-Direttiva DAC attwali.

1.2

Il-KESE jqis li t-titjib propost għad-Direttiva DAC huwa effettiv biex jiskoraġġixxi n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli fiskali mid-detenturi tal-kriptoassi, u b’hekk isaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, b’konformità ma’ diversi inizjattivi preċedenti tal-Kummissjoni.

1.3

Il-KESE jqis li l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija kompletament konsistenti mal-prinċipju tat-tassazzjoni ġusta u effettiva, li huwa l-pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea, bl-għan li jiġi żgurat li kulħadd jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu u jgawdi minn trattament ugwali u proporzjonat, irrispettivament mit-tip ta’ assi miżmuma.

1.4

Il-KESE jinnota li huwa kruċjali li jsir sforz globali biex jiġu rregolati l-kriptoassi u l-użu tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu indirizzati tajjeb il-kwistjonijiet u l-implikazzjonijiet dejjem jikbru relatati ma’ tali assi u li għandhom kamp ta’ applikazzjoni dinji. F’dan ir-rigward, il-ħidma u n-negozjati li għaddejjin fil-livelli tal-OECD u tal-G20 biex jintlaħaq ftehim globali dwar it-trasparenza tal-kriptovaluti huma kruċjali, u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni fix-xena internazzjonali.

1.5

Il-KESE japprezza li tassazzjoni msaħħa u aktar effettiva tal-kriptoassi se tgħin biex tiżdied il-kopertura tat-tassazzjoni u tagħti spinta lill-baġits nazzjonali, u se tippermetti l-użu ta’ riżorsi addizzjonali mmirati lejn il-ġid komuni u lejn il-prijoritajiet ta’ investiment tal-Kummissjoni (it-tranżizzjoni ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni).

1.6

Il-KESE jqis li s-sistema ta’ rapportar tan-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (“NIT”) hija l-aktar metodu ta’ konformità effettiv biex tiġi żgurata l-effettività tar-regoli l-ġodda. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar in-NIT peress li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ żbalji possibbli, u b’hekk ittejjeb iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tas-sistema.

1.7

Il-KESE jemmen li l-obbligi ta’ rapportar ma għandhomx ikunu limitati biss għall-iskambji u t-trasferimenti fil-kriptoassi, iżda għandhom jiġu estiżi wkoll, tal-inqas fil-fażi inizjali, għall-parteċipazzjonijiet ġenerali ta’ assi kriptovalutarji għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza, minkejja li jibqa’ ċar li t-tassazzjoni għandha tapplika biss għal gwadanji effettivi.

1.8

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ pieni effettivi u proporzjonati, fejn jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-ammonti speċifiċi ta’ sanzjonijiet li għandhom jinħarġu. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li, wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-istrutturi ta’ pieni implimentati mill-Istati Membri, u tagħti gwida dwar bidliet possibbli jekk ikun meħtieġ.

1.9

Il-KESE jittama li l-pieni u l-miżuri ta’ konformità jkunu jistgħu jilħqu bilanċ tajjeb bejn l-effettività tar-regoli u d-deterrenza adegwata, minn naħa waħda, u l-proporzjonalità min-naħa l-oħra. Il-proporzjonalità tista’, pereżempju, tiġi żgurata billi jitqies b’mod adegwat l-għadd ta’ tranżazzjonijiet involuti fi ksur imwettaq minn kumpanija partikolari.

1.10

Il-KESE jenfasizza li d-dispożizzjonijiet u s-salvagwardji speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data inklużi fil-proposta għal Direttiva, u b’konformità mar-regoli tal-GDPR, għandhom jiġu applikati u rispettati kif dovut skont standards għoljin sabiex jiġu protetti bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-individwi li d-data tagħhom se tinġabar, tiġi skambjata u maħżuna.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi fl-abbozz ta’ proposta tagħha regoli biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa diġà koperti mit-test attwali u l-awtoritajiet inkarigati mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament ta’ attivitajiet illegali u t-terroriżmu. F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni li l-awtoritajiet pubbliċi, f’dan il-każ l-awtoritajiet tat-taxxa, jeħtieġu riżorsi adegwati kemm f’termini ta’ persunal kwalifikat kif ukoll f’termini ta’ teknoloġija diġitali u standards ta’ livell għoli.

2.   Proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE (1) dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (id-“Direttiva DAC 8”) (2) għandha l-għan li taġġorna d-Direttiva attwali (id-“Direttiva DAC”) sabiex tespandi r-rapportar u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa biex jinkludu l-introjtu jew id-dħul iġġenerat mill-kriptoassi mill-utenti residenti fl-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet tat-taxxa bħalissa ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jimmonitorjaw ir-rikavati miksuba bl-użu ta’ kriptoassi, li jiġu nnegozjati faċilment bejn il-fruntieri.

2.2

L-inizjattiva leġiżlattiva għandha l-għan li tintroduċi trasparenza fiskali akbar għall-kriptoassi permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapportar u l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ taxxa diretta. Il-proposta tirfina wkoll id-dispożizzjonijiet applikabbli eżistenti sabiex jiġu evitati lakuni u jissaħħaħ il-qafas legali.

2.3

Id-Direttiva DAC 8 tallinja mad-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (“MiCA”) (3), li fih innifsu ma jipprovdix bażi għall-awtoritajiet tat-taxxa biex jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa biex jintaxxaw l-introjtu mill-kriptoassi. Madankollu, id-Direttiva DAC 8 tibni fuq l-esperjenza tal-MiCA u sserraħ fuq ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni diġà introdott minn dan ir-Regolament, u b’hekk jiġu evitati piżijiet amministrattivi addizzjonali għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi.

2.4

Il-proposta hija konsistenti mal-Qafas tal-OECD għar-Rappurtar tal-Kriptoassi (“CARF”) (4) li ġie approvat reċentement, kif ukoll mal-emendi għall-Istandard Komuni ta’ Rappurtar tiegħu. Dawn l-istandards ġew approvati wkoll mill-G20. Matul il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri appoġġjaw l-allinjament tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas legali tal-UE mal-ħidma li saret fl-OECD.

2.5

Sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri biex jidentifikaw u jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, il-fornituri kollha ta’ servizzi tal-kriptoassi li jirrapportaw, irrispettivament mid-daqs jew mill-post fejn jinsabu, se jkunu obbligati jirrapportaw it-tranżazzjonijiet tal-klijenti tagħhom residenti fl-UE. It-tranżazzjonijiet domestiċi u transfruntiera huma inklużi t-tnejn. F’xi każijiet, l-obbligi ta’ rappurtar se jkopru wkoll tokens mhux funġibbli (NFTs). Regoli dettaljati dwar l-obbligi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi huma stabbiliti fl-Anness VI.

2.6

It-tranżazzjonijiet rapportabbli jinkludu tranżazzjonijiet ta’ skambju u trasferimenti ta’ kriptoassi rapportabbli. Kemm it-tranżazzjonijiet domestiċi kif ukoll dawk transfruntiera huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta u huma aggregati skont it-tip ta’ kriptoassi rapportabbli.

2.7

L-istituzzjonijiet finanzjarji se jirrapportaw dwar il-flus elettroniċi u l-muniti diġitali tal-bank ċentrali, u se jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta’ deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera għal individwi b’valur nett għoli. Tali individwi huma dawk li għandhom minimu ta’ EUR 1 000 000 f’ġid finanzjarju jew investibbli, jew f’assi mmaniġġjati. L-Istati Membri ser jiskambjaw informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera maħruġa, emendati jew imġedda bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2025.

2.8

Il-proposta mhux se tillimita l-kapaċità tal-Istati Membri li jsawru s-sistema ta’ konformità tagħhom. Madankollu, se jiġi stabbilit u infurzat livell minimu komuni ta’ pieni għall-aktar imġiba ta’ nuqqas ta’ konformità serja, bħan-nuqqas totali ta’ rappurtar minkejja tfakkiriet amministrattivi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva DAC 8, peress li tirrappreżenta pass sostanzjali ’l quddiem għat-titjib u l-ikkompletar tad-Direttiva DAC skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li wissiet li “jekk kontribwent ikollu flus fi kriptovaluti elettroniċi, il-pjattaforma jew fornitur elettroniku ieħor li jipprovdi servizzi ta’ portafolji għal tali klijenti mhumiex obbligati jiddikjaraw kwalunkwe tali ammont jew qligħ miksub lill-awtoritajiet tat-taxxa. Għalhekk, il-flus miżmuma fi strumenti elettroniċi bħal dawn jibqgħu fil-biċċa l-kbira mhux intaxxati” (5).

3.2

Il-KESE jqis it-titjib propost għad-Direttiva DAC bħala għodda effettiva biex tiskoraġġixxi n-nuqqas ta’ konformità tad-detenturi tal-kriptoassi mar-regoli fiskali, u b’hekk issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, b’konformità ma’ diversi inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin.

3.3

Il-KESE jfaħħar il-konsultazzjoni wiesgħa u artikolata li l-Kummissjoni wettqet rigward il-proposta inkwistjoni, li involviet il-partijiet interessati kollha kif ukoll udjenza aktar immirata ta’ operaturi tas-settur, li ġew ikkonsultati separatament mill-Kummissjoni. L-Istati Membri setgħu wkoll jesprimu l-pożizzjoni tagħhom, u ħeġġew lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib b’konformità mal-ħidma li għaddejja tal-OECD. Il-konsultazzjonijiet għamlu l-proċess leġiżlattiv aktar trasparenti u sinifikanti, minkejja n-natura teknika ħafna tal-proposta.

3.4

Il-KESE jenfasizza li huwa meħtieġ sforz globali biex jiġu rregolati l-kriptoassi u l-użu tagħhom sabiex jiġu indirizzati tajjeb il-kwistjonijiet u l-implikazzjonijiet dejjem jikbru relatati ma’ tali assi u b’kamp ta’ applikazzjoni dinji. F’dan ir-rigward, il-ħidma u n-negozjati li għaddejjin fil-livelli tal-OECD u tal-G20 għall-kisba ta’ ftehim globali dwar it-trasparenza tal-kriptovaluti huma kruċjali, u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni fix-xena internazzjonali.

3.5

Il-KESE jqis li l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija kompletament konformi mal-prinċipju tat-tassazzjoni ġusta u effettiva, li huwa l-pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea, bl-għan li jiġi żgurat li kulħadd jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu u jgawdi minn trattament ugwali u proporzjonat, irrispettivament mit-tip ta’ assi miżmuma jew il-forma ta’ pagamenti aċċettati.

3.6

Il-KESE japprezza li tassazzjoni msaħħa u aktar effettiva tal-kriptoassi se tgħin biex tiżdied il-kopertura tat-tassazzjoni u tagħti spinta lill-baġits nazzjonali, u se tippermetti l-użu ta’ riżorsi addizzjonali mmirati lejn il-ġid komuni u lejn il-prijoritajiet ta’ investiment tal-Kummissjoni (it-tranżizzjoni ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni).

3.7

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni li aktar trasparenza se tnaqqas id-diskrepanzi u d-divrenzjar mhux ġustifikat ta’ bħalissa fil-qafas legali u fit-trattament li jwasslu biex l-utenti tal-kriptoassi jgawdu “vantaġġ fuq dawk li ma jinvestux fil-kriptoassi”, u b’hekk ifixklu mhux biss “l-objettiv ta’ tassazzjoni ġusta”, imma anke l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

3.8

Il-KESE jappoġġja l-użu kkombinat tal-Artikolu 113 tat-TFUE (peress li l-informazzjoni skambjata tista’ tintuża wkoll għall-finijiet tal-VAT) u tal-Artikolu 115 tat-TFUE bħala bażi legali biex tappoġġja l-proposta. L-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq uniku, minquxa fl-Artikolu 115, hija tabilħaqq rilevanti għall-każ inkwistjoni, meta jitqies li l-kriptoassi jistgħu jintużaw għal diversi skopijiet. Għalhekk id-diskrepanzi, kemm fil-qafas legali ġenerali kif ukoll fl-għodod ta’ infurzar, għandhom jiġu evitati fis-suq uniku kollu peress li dawn jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsolidazzjoni tiegħu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu fil-proposta attwali obbligi ta’ rappurtar għall-persuni fiżiċi li għandhom kriptoassi. Dan ċertament iżid l-effettività u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.

4.2

Il-KESE jqis li sistema ta’ rappurtar ta’ numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (“NIT”) hija l-aktar metodu ta’ konformità effettiv sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-regoli l-ġodda. Għal din ir-raġuni, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar in-NIT, għax tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-effettività tal-proposta, peress li, bħala kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku, in-NIT jippermetti l-evitar tal-iżbalji, u b’hekk jikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tas-sistema.

4.3

Il-KESE jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà għandhom leġiżlazzjoni jew tal-anqas gwida amministrattiva fis-seħħ biex jintaxxaw l-introjtu miksub permezz ta’ investimenti fil-kriptoassi, iżda l-awtoritajiet kompetenti spiss ma jkollhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jimplimentaw dan fil-prattika. Għalhekk, iċ-ċertezza legali u ċ-ċarezza jistgħu jiġu żgurati biss billi jiġu indirizzati l-ineffiċjenzi nazzjonali permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-UE bl-għan li tingħata spinta lill-kollaborazzjoni effettiva u effiċjenti fost l-awtoritajiet tat-taxxa.

4.4

Il-KESE jemmen li l-obbligi ta’ rapportar ma għandhomx ikunu limitati biss għall-iskambji u t-trasferimenti fil-kriptoassi, iżda għandhom jiġu estiżi wkoll, tal-inqas f’din il-fażi inizjali attwali, għall-parteċipazzjonijiet ġenerali ta’ assi kriptovalutarji għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza, minkejja li jibqa’ ċar li t-tassazzjoni għandha tapplika biss għal gwadanji effettivi.

4.5

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ pieni effettivi u proporzjonati, filwaqt li jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar l-ammonti speċifiċi ta’ sanzjonijiet li għandhom jinħarġu. Il-limiti minimi jidhru li għandhom il-potenzjal li jżidu l-effettività tar-regoli l-ġodda dwar it-tassazzjoni tal-kriptovaluti. Il-KESE jittama li l-pieni u l-miżuri ta’ konformità jkunu jistgħu jilħqu bilanċ tajjeb bejn l-effettività tar-regoli u d-deterrenza adegwata, minn naħa waħda, u l-proporzjonalità min-naħa l-oħra. Il-proporzjonalità tista’, pereżempju, tiġi żgurata billi jitqies b’mod adegwat l-għadd ta’ tranżazzjonijiet involuti fi ksur imwettaq minn kumpanija partikolari.

4.6

Barra minn hekk, wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-istrutturi tal-pieni tal-Istati Membri u tagħti gwida dwar il-bidliet meħtieġa fis-sistema ta’ pieni u dwar il-miżuri ta’ konformità.

4.7

Il-KESE jenfasizza li d-dispożizzjonijiet speċifiċi u s-salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data inklużi fil-proposta għal Direttiva, u b’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-GDPR, għandhom jiġu applikati u rispettati bir-reqqa skont standards għoljin sabiex jiġu protetti bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-individwi li d-data tagħhom se tinġabar, tiġi skambjata u maħżuna.

4.8

Għal darb’ oħra, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jinvestu b’mod adegwat fl-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom u f’amministrazzjonijiet oħra involuti, sabiex ikollhom il-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettqu l-kompitu ta’ kooperazzjoni aħjar fil-qasam tat-tassazzjoni.

4.9

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi fl-abbozz ta’ proposta tagħha r-rekwiżit ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa diġà koperti mit-test attwali u l-awtoritajiet inkarigati mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ attivitajiet illegali u t-terroriżmu, peress li jista’ jkun li f’dawn l-aħħar snin tfaċċaw diversi każijiet ta’ kriptoassi li jintużaw għal skopijiet illegali u l-ħasil tal-flus. F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni li l-awtoritajiet pubbliċi, f’dan il-każ l-awtoritajiet tat-taxxa, jeħtieġu riżorsi adegwati f’termini ta’ persunal kwalifikat u f’termini ta’ teknoloġija diġitali u standards ta’ livell għoli.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(2)  COM(2022) 707 final.

(3)  COM(2020) 593 final.

(4)  Crypto-Asset Reporting Framework and Amendments to the Common Reporting Standard (Qafas għar-Rappurtar tal-Kriptoassi u Emendi għall-Istandard Komuni ta’ Rappurtar [mhux disponibbli bil-Malti]), OECD, 2022/10/08 8.10.2022.

(5)  Qorti Ewropea tal-Awdituri (2021), Exchanging tax information in the EU: solid foundation, cracks in the implementation (Skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fl-UE: bażi soda, xquq fl-implimentazzjoni [mhux disponibbli bil-Malti]). L-iskambji ta’ informazzjoni żdiedu, iżda xi informazzjoni għadha mhix irrapportata.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Direttiva dwar il-pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni”

(COM(2022) 249 — final)

dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni mal-oqsma ta’ kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”

(COM(2022) 247 — final)

u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni”

(COM(2022) 684 — final)

(2023/C 184/11)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 26.7.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

8.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

141/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li l-ksur ta’ sanzjonijiet jiġi inkluż fil-lista ta’ reati skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE, u l-proposta tad-Direttiva biex id-definizzjonijiet u l-pieni minimi jiġu approssimati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ksur ta’ sanzjonijiet.

1.2.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li d-Deċiżjoni msemmija hawn fuq ma kinitx soġġetta għal deliberazzjoni demokratika sħiħa fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fi ħdan il-Parlament Ewropew minħabba li ġiet attivata l-proċedura ta’ urġenza. Bl-istess mod, il-KESE għadu mħasseb li l-Proposta għal Direttiva mressqa mill-Kummissjoni ma kinitx preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi ma ssemmix lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fost il-partijiet interessati kkonsultati.

1.3.

Fil-fażi tal-iżvilupp tad-Direttiva, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jespandu l-konċessjoni umanitarja, billi jeżentaw lill-aġenziji umanitarji u lill-persunal umanitarju mir-responsabbiltà kriminali, u b’hekk din id-dispożizzjoni tiġi allinjata mal-prattika internazzjonali attwali, u fl-istess ħin jiżguraw li jiġu previsti mekkaniżmi adatti għall-prevenzjoni tal-abbuż għal skopijiet kriminali jew politiċi.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta’ garanziji u protezzjoni adatti għall-informaturi u l-ġurnalisti li jippubbliċizzaw tentattivi ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet, li għalihom għandha tiġi estiża l-konċessjoni msemmija hawn fuq.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiżguraw li s-settur privat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw informazzjoni adegwata u appoġġ proattiv biex jaġġustaw għal-leġiżlazzjoni l-ġdida u jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex, apparti l-promozzjoni tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, jiżguraw li l-Istati Membri jkunu mgħammra b’kapaċitajiet amministrattivi adegwati, fondi suffiċjenti u persunal imħarreġ għall-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar tal-ksur ta’ sanzjonijiet. Dan jista’ jiġi appoġġjat minn kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal Direttiva tinsisti fuq ir-rispett għall-prinċipju ta’ nonretroattività u l-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-persuni akkużati għal proċess ġust u salvagwardji oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.

1.8.

Il-KESE għadu mħasseb li reati komuni daqstant serji bħall-vjolenza abbażi tal-ġeneru u r-reati ta’ mibegħda mhumiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE (“reati tal-UE”), u jenfasizza li l-imperattivi ġeopolitiċi m’għandhomx jieħdu preċedenza fuq il-protezzjoni u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna.

2.   Sfond

2.1.

Is-sanzjonijiet tal-politika estera (jew miżuri restrittivi fil-lingwaġġ tal-UE) huma maqbula mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u jieħdu l-forma ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti b’effett dirett fl-Istati Membri kollha tal-UE.

2.2.

Għall-kuntrarju ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet, li tiġi adottata ċentralment u hija applikabbli fl-UE kollha, l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet huma deċentralizzati: l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma responsabbli għall-monitoraġġ tar-rispett tal-projbizzjonijiet mill-intrapriżi u ċ-ċittadini, l-għoti ta’ derogi, l-istabbiliment ta’ pieni għal ksur u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tiegħu. Dan japplika għas-sanzjonijiet kollha ħlief għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul, li huma ġestiti direttament mill-awtoritajiet statali.

2.3.

In-natura deċentralizzata tas-sistema għall-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE twassal għal frammentazzjoni (1): il-leġiżlazzjoni nazzjonali tvarja fir-rigward tad-definizzjonijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur tas-sanzjonijiet, u l-pieni li jistgħu jiġġarrbu. Hemm ukoll differenzi fil-kapaċitajiet amministrattivi ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali individwali għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw jekk jagħtux jew le deroga għal raġunijiet umanitarji.

2.4.

Ir-riċerka kkonfermat differenzi sinifikanti fl-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet minn Stati Membri differenti tal-UE (2). Studju reċenti min-network Ewropew għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (“Network għall-Ġenoċidju”) enfasizza diskrepanzi konsiderevoli fil-pieni għall-ksur ta’ sanzjonijiet fost l-Istati Membri tal-UE (3).

2.5.

Il-Kummissjoni għandha ċerti setgħat ta’ sorveljanza f’dan ir-rigward: hija tiżgura li l-Istati Membri kollha jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-regolament tal-UE dwar is-sanzjonijiet, bħal li jkollhom pieni adatti fis-seħħ. Bħal f’oqsma oħra tal-governanza tal-UE, il-Kummissjoni hija intitolata tniedi proċedura ta’ ksur kontra kwalunkwe Stat Membru li jonqos milli jonora dawn l-obbligi, għalkemm s’issa għadha qatt ma ttieħdet tali azzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet billi toħroġ gwida, eż. dwar l-għoti ta’ derogi.

2.6.

Għalkemm il-potenzjal inerenti tas-sistema għall-frammentazzjoni huwa evidenti, huwa biss reċentement li l-Kummissjoni bdiet tieħu xi passi (4) lejn it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE. Għalkemm l-attività mġedda tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tmur lura għal qabel l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li bdiet fi Frar 2022, il-mewġa ta’ sanzjonijiet li din ġabet magħha tat spinta addizzjonali ġdida lit-tisħiħ tal-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ sanzjonijiet.

2.7.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/2332 (5) tidentifika l-ksur ta’ sanzjonijiet tal-UE bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji speċifikati fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, magħrufa b’mod popolari bħala “reati tal-UE”, u b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi leġiżlazzjoni biex tapprossima d-definizzjoni ta’ reati kriminali kif ukoll pieni fl-Istati Membri (6).

2.8.

Din il-Proposta hija ġġustifikata għar-raġuni li l-ksur jista’ jgħin biex jipperpetwa t-theddid għall-paċi u s-sigurtà, kif ukoll għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi, u spiss ikollu dimensjoni transfruntiera. B’mod speċifiku, huwa sostnut li l-ksur ta’ sanzjonijiet huwa “qasam partikolarment gravi tal-kriminalità, peress li jista’ jipperpetwa theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jimmina l-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u jirriżulta fi ħsara ekonomika, soċjetali u ambjentali sinifikanti” (7). Is-sitwazzjoni attwali tippermetti lill-individwi u lill-kumpaniji li qed jikkontemplaw iċ-ċirkomvenzjoni biex “ifittxu u jagħmlu l-aħjar għażla” u b’hekk ifixklu l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tal-UE.

2.9.

Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħaq qbil dwar it-test u talab li l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill biex il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jiżdied mal-oqsma tal-kriminalità stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE (8). Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu permezz ta’ proċedura ta’ emerġenza fis-7 ta’ Lulju 2022 (9). Id-Deċiżjoni ġiet adottata fit-28 ta’ Novembru 2022 (10).

2.10.

Il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ Direttiva fit-2 ta’ Diċembru 2022 li jipproponi l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni għal ksur ta’ sanzjonijiet (11).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-identifikazzjoni tal-ksur ta’ sanzjonijiet bħala qasam ta’ kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE hija żvilupp pożittiv li se jgħin biex jiġu armonizzati t-tipi ta’ ksur ta’ sanzjonijiet u l-pieni assoċjati fl-UE kollha, u jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet.

3.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jikkunsidraw il-preokkupazzjonijiet stabbiliti fit-taqsima li ġejja huma u jipproponu u jadottaw id-Direttiva li qed tiġi kkunsidrata bħalissa u kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja sostantiva oħra dwar l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni għal ksur ta’ sanzjonijiet.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill permezz ta’ proċedura urġenti. Dan ifisser li l-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu mingħajr deliberazzjoni minn qabel mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) fi ħdanu. L-imperattiv ġeopolitiku qawwi li fuqu tissejjes l-adozzjoni tal-proposta m’għandux inaqqas mill-ħtieġa li jitressqu proposti leġiżlattivi għal skrutinju demokratiku adatt. L-istandards tar-responsabbiltà demokratika għandhom jiġu ppreservati. Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi żgurat skrutinju adegwat mill-Parlament Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva li qed tiġi kkunsidrata bħalissa dwar l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni għal ksur ta’ sanzjonijiet.

4.2.

Bl-istess mod, il-Proposta għal Direttiva ssemmi li l-Kummissjoni astjeniet milli twettaq valutazzjoni tal-impatt, u indikat il-“ħtieġa urġenti li l-individwi u l-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinżammu responsabbli” (12). Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-pertinenza li d-Direttiva dwar il-pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni tiġi adottata mill-iżjed fis, fil-fehma tal-Kumitat l-urġenza relattiva tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u l-pieni ma tiġġustifikax il-fatt li ma ssirx il-valutazzjoni tal-impatt li għandha takkumpanja t-tħejjija tad-Direttiva. Dan huwa partikolarment minnu peress li l-individwi u l-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur ta’ sanzjonijiet diġà jistgħu jinżammu responsabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, li jfisser li d-dewmien fl-adozzjoni tad-Direttiva mhux se jwassal biex il-ksur ma jiġix ikkastigat. Għalhekk, il-KESE jappoġġja t-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt regolari u, ladarba d-Direttiva tkun ġiet adottata, il-KESE jirrakkomanda li tiġi implimentata malajr.

4.3.

Għalkemm il-KESE jilqa’ l-konsultazzjonijiet estensivi li l-Kummissjoni wettqet ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, jiddispjaċih li l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi ma tinkludix lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fosthom.

4.4.

L-attenzjoni ddedikata għall-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar tal-ksur ta’ sanzjonijiet għandha tkun akkumpanjata minn sforz komparabbli biex l-operaturi ekonomiċi u l-atturi tas-soċjetà ċivili jiġu ggwidati fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet. In-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet spiss ikunu dovuti għal nuqqas ta’ għarfien fost il-partijiet ikkonċernati fis-settur privat, minkejja l-isforzi mill-aġenziji nazzjonali biex jinfurmawhom (13). Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-biċċa l-kbira tal-operaturi ekonomiċi tal-UE huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li sikwit ma jkunux familjari mad-dmirijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet peress li l-prattika ta’ sanzjonijiet tal-passat rari kienet tinkludi miżuri ekonomiċi (14). Il-KESE jilqa’ l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-appoġġ mogħti lill-operaturi ekonomiċi u jinkoraġġixxiha tkompli sejra hekk (15).

4.5.

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet adegwati biex jissalvagwardjaw l-azzjoni umanitarja f’ġuriżdizzjonijiet taħt sanzjonijiet. Ir-responsabbiltà għal ksur possibbli ta’ sanzjonijiet għadha ta’ tħassib għall-atturi umanitarji li jipprovdu għajnuna lil ġuriżdizzjonijiet sanzjonati ħafna (16). Dawn l-atturi b’mod konsistenti jiġbdu l-attenzjoni għad-diffikultà li jiġi ggarantit li ma sseħħ l-ebda trasgressjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet matul l-operazzjonijiet tagħhom, kif ukoll għall-implikazzjonijiet negattivi tal-assoċjazzjoni tagħhom mas-sanzjonijiet tal-Punent f’għajnejn partijiet involuti f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt (17). L-adozzjoni reċenti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Riżoluzzjoni 2664 f’Diċembru 2022 (18), li fiha konċessjoni ġenerali li tippermetti l-għoti ta’ fondi u servizzi lil organizzazzjonijiet umanitarji (19) u li ġiet implimentata malajr mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti (20), tibdel il-persistenza ta’ klawżoli umanitarji stretti fil-leġiżlazzjoni tal-UE f’eċċezzjoni, u tixħet dawl fuqha. Sabiex jiġi żgurat li l-qafas tal-pieni ma jfixkilx l-azzjoni umanitarja, il-lingwaġġ tad-Direttiva proposta għandu jissaħħaħ. Bħalissa, “il-forniment ta’ għajnuna umanitarja lil persuni fil-bżonn” (21) biss huwa eskluż mill-kriminalizzazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni ta’ eżenzjoni umanitarja usa’ li teskludi r-responsabbiltà kriminali taħt ir-reġimi ta’ sanzjonijiet tal-UE għall-persunal kollu ta’ organizzazzjonijiet umanitarji imparzjali. Klawżola bħal din tiżgura l-konformità tal-oqfsa legali tas-sanzjonijiet tal-UE mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL). Fl-istess ħin, għandhom jeżistu dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ abbuż possibbli għal skopijiet kriminali jew politiċi. Il-protezzjoni tal-atturi umanitarji għandha tiġi estiża għall-ġurnalisti investigattivi.

4.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva mhux biss b’referenza għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, iżda b’attenzjoni għall-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet amministrattivi, finanzjarji, teknoloġiċi u ta’ riżorsi umani suffiċjenti u taħriġ adatt biex il-burokraziji nazzjonali, u l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jimplimentaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Fin-nuqqas ta’ tagħmir, persunal u allokazzjoni finanzjarja adegwati, l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni waħedha x’aktarx ma jirnexxilhiex twettaq il-missjoni tagħha ta’ identifikazzjoni, prosekuzzjoni u kkastigar tal-ksur ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinxxi l-kriterji li se tapplika għall-monitoraġġ, sabiex tipprovdi gwida lill-partijiet interessati.

4.7.

F’każ li l-kundanni kriminali jippermettu l-konfiska tal-assi, porzjon imdaqqas tar-rikavat għandu jiġi allokat biex jiġu kkumpensati l-vittmi u, fil-każ tas-sanzjonijiet attwalment fis-seħħ kontra miri Russi matul il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra fl-Ukrajna. Il-KESE jappoġġja din it-talba, f’konformità mal-Opinjoni tiegħu (22) dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni taħdem ma’ organizzazzjonijiet dedikati tas-soċjetà ċivili dwar id-definizzjoni tal-vittmi u dwar it-tfassil ta’ mekkaniżmi biex ir-rikavat mill-evażjoni tas-sanzjonijiet jiġi dirett lejn il-vittmi, jew lejn sforzi ta’ investiment soċjali li jkunu ta’ benefiċċju dirett għalihom. Fl-interess tal-obbligu ta’ rendikont, il-KESE jirrakkomanda aktar trasparenza billi jiġu ppubblikati ċifri dwar l-assi kkonfiskati u d-destinazzjoni sussegwenti tagħhom.

4.8.

Id-Direttiva proposta għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet adegwati għall-protezzjoni tal-informaturi u l-ġurnalisti investigattivi li jikxfu prattiki ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet. Ir-rwol ewlieni tagħhom bħala mekkaniżmi ta’ “twissija bikrija” jistħoqqlu protezzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-protezzjoni mogħtija skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 (23) għar-rappurtar ta’ ksur ta’ miżuri restrittivi tal-UE u għall-persuni li jirrapportaw tali ksur.

4.9.

Kif indikat fil-formulazzjoni attwali tad-Direttiva, għandhom isiru dispożizzjonijiet biex jinżamm il-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ pieni kriminali, f’konformità mal-prinċipju “nulla poena sine lege”. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-persuni akkużati għal proċess ġust u salvagwardji oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.

4.10.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinsab imħasseb li, għalkemm l-identifikazzjoni tal-ksur ta’ sanzjonijiet bħala “reat tal-UE” kienet proċess rapidu, reati serji u komuni bħar-reati ta’ mibegħda u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom ma jistgħux jiġu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE. L-imperattivi ġeopolitiċi ma għandhomx jingħataw prijorità għad-detriment tat-traskurar ta’ reati oħra ta’ rilevanza immedjata għaċ-ċittadini tagħna.

4.11.

Bħala konklużjoni, m’għandux jintesa li l-għan tal-armonizzazzjoni tal-pieni huwa li tittejjeb il-kredibbiltà tas-sanzjonijiet adottati taħt il-PESK. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iħabirku biex jirrispettaw il-projbizzjonijiet tal-viża tal-UE bl-istess diliġenza li hija mistennija miċ-ċittadini u l-operaturi tal-UE (24).

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Portela, C., “Implementation and Enforcement” [Implimentazzjoni u Infurzar], f’N. Helwig et al., Sharpening EU sanctions policy [It-tisħiħ tal-politika tal-UE dwar is-sanzjonijiet], Rapport Nru 63 tal-Istitut Finlandiż għall-Affarijiet Internazzjonali, Helsinki. Studju kkummissjonat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Finlandja, 2020, p. 107.

(2)  Druláková, R. u Přikryl, P., “The implementation of sanctions imposed by the European Union” [L-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea], Central European Journal of International and Security Studies [Ġurnal tal-Ewropa Ċentrali dwar l-Istudji Internazzjonali u s-Sigurtà], vol. 10, Nru 1, 2016, p. 134.

(3)  Network għall-Ġenoċidju, Prosecution of sanctions (restrictive measures) violations in national jurisdictions: a comparative analysis [Il-prosekuzzjoni tal-ksur ta’ sanzjonijiet (miżuri restrittivi) fil-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali: analiżi komparattiva, (mhux disponibbli bil-Malti)], 2021.

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza (COM(2021) 32 final).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18).

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Lejn Direttiva dwar il-pieni kriminali għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni” (COM(2022) 249 — final).

(7)  Din il-formulazzjoni mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2022) 249 final, paġna 4, hija riflessa fil-premessa (10) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 (ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18).

(8)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Stqarrija għall-istampa, 30 ta’ Ġunju 2022.

(9)  Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew. TA/2022/0295.

(10)  ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18.

(11)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ pieni għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni (COM(2022) 684 — final).

(12)  COM(2022) 684 — final.

(13)  Druláková, R. u Zemanová, S., “Why the implementation of multilateral sanctions does (not) work: lessons learnt from the Czech Republic” [Għala l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet multilaterali taħdem (jew le): tagħlimiet meħuda mir-Repubblika Ċeka], European Security, vol. 29, Nru 4, 2020, p. 524.

(14)  Portela, C., “Sanctions in EU foreign policy” [Is-sanzjonijiet fil-politika barranija tal-UE], f’N. Helwig et al., Sharpening EU sanctions policy [It-tisħiħ tal-politika tal-UE dwar is-sanzjonijiet], Rapport Nru 63 tal-Istitut Finlandiż għall-Affarijiet Internazzjonali, Helsinki. Studju kkummissjonat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Finlandja, 2020, p. 23.

(15)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1506 tad-9 ta’ Settembru 2022 dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodda tat-teknoloġija tal-informazzjoni biex jittejjeb it-tixrid ta’ informazzjoni dwar miżuri restrittivi tal-Unjoni (ĠU L 235, 12.9.2022, p. 30).

(16)  Portela, C., “What if the EU made sanctions compatible with humanitarian aid?” [X’jiġri kieku l-UE tagħmel is-sanzjonijiet kompatibbli mal-għajnuna umanitarja?”, f’F. Gaub (ed.) What if…? Fourteen Scenarios for 2021, EUISS: Pariġi, 2020.

(17)  Debarre, A., “Safeguarding humanitarian action in sanctions regimes” [Nissalvagwardjaw l-azzjoni umanitarja fir-reġimi ta’ sanzjonijiet], New York: Istitut Internazzjonali dwar il-Paċi, 2019.

(18)  Riżoluzzjoni 2664 tan-Nazzjonijiet Uniti, S/RES/2664 (2022), mhux disponibbli bil-Malti.

(19)  Il-paragrafu operattiv 1 tar-Riżoluzzjoni S/RES/2664(2022) jistipula li l-forniment ta’ fondi jew il-forniment ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil fil-ħin ta’ assistenza umanitarja min-Nazzjonijiet Uniti, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi jew minn partijiet oħra, kif miżjud minn Kumitati individwali stabbiliti minn dan il-Kunsill, “huma permessi u ma jikkostitwixxux ksur tal-iffriżar tal-assi impost minn dan il-Kunsill jew il-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu”.

(20)  Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, Stqarrija għall-istampa, Treasury Implements Historic Humanitarian Sanctions Exceptions (It-Teżor jimplimenta eċċezzjonijiet storiċi fir-rigward tas-sanzjonijiet umanitarji), 20 ta’ Diċembru 2022, (mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  COM(2022/684) final.

(22)  ĠU C 100, 16.3.2023, p. 105.

(23)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(24)  Mangas Martin, A., “Sobre la vinculatoriedad de la PESC y el espacio aéreo como territorio de un estado (Comentario al auto del TS español de 26 de noviembre de 2020, sala de lo penal)”. [Dwar in-natura vinkolanti tal-PESK u l-ispazju tal-ajru bħala t-territorju ta’ pajjiż (Kummentarju għad-digriet ġudizzjarju tal-Qorti Suprema Spanjola tas-26 ta’ Novembru 2020, awla kriminali]. Revista General de Derecho Europeo, 53, 2021.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva”

(COM(2022) 490 final — 2022/0299 (NLE))

(2023/C 184/12)

Relaturi:

Jason DEGUARAPaul SOETE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

8.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

143/00/08

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-kontenut tar-Rakkomandazzjoni, speċjalment l-implimentazzjoni ta’ kriterji realistiċi u suffiċjenti għal-livell ta’ adegwatezza u aċċessibbiltà tal-introjtu minimu, il-garanzija legali tiegħu u s-sistema ta’ rapportar, ir-rikonoxximent ulterjuri tal-Kummissjoni Ewropea tal-ħtieġa għal politika soċjali attiva u azzjonijiet ulterjuri biex jiġi miġġieled il-faqar fl-UE.

1.2.

Hemm bżonn ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għal introjtu minimu adegwat għal kulħadd li ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura, ma għandux kriterji restrittivi żżejjed u jitkejjel b’mod preċiż biex tiġi żgurata l-effikaċja tiegħu.

1.3.

L-indirizzar tal-faqar u l-inugwaljanzi fl-introjtu huwa importanti mhux biss għal raġunijiet ta’ ġustizzja soċjali iżda wkoll biex jiġi appoġġjat it-tkabbir ekonomiku. L-effett stabbilizzanti ġenerali tas-sistemi ta’ introjtu minimu għall-ekonomija għandu jiġi nnutat ukoll f’dan il-kuntest.

1.4.

Id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji tas-sistemi soċjali tagħhom, il-kompetenzi komplementari tal-UE u tal-Istati Membri u l-użu sħiħ tal-istrumenti tat-Trattat tal-UE għandhom ikunu l-prinċipji gwida ta’ kwalunkwe azzjoni tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni soċjali.

1.5.

L-impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli huma l-aħjar mod kif noħorġu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Fl-istess ħin, l-iżgurar li jkun hemm aktar nies f’suq tax-xogħol inklużiv u ta’ kwalità jgħin biex jiġu ffinanzjati s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u jagħmilhom aktar finanzjarjament sostenibbli.

1.6.

Bħalissa, f’għadd kbir ta’ Stati Membri, l-istabbiliment u l-livell ta’ benefiċċji tal-introjtu minimu mhumiex ibbażati fuq metodoloġija robusta jew marbuta ma’ indikaturi bbażati fuq l-istatistika li jirriflettu ħajja deċenti u dinjituża. L-ewwel pass huwa li jiġi stabbilit dan it-tip ta’ metodoloġija u li jitqiesu s-sorsi differenti ta’ introjtu u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-unitajiet domestiċi.

1.7.

Il-KESE jinsisti li huwa meħtieġ li l-introjtu minimu jinżamm konformi mal-inflazzjoni, speċjalment maż-żieda fl-għoli tal-ħajja f’termini ta’ ikel u enerġija, u dan għandu jsir fuq bażi regolari, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali.

1.8.

Huwa meħtieġ monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-politiki ta’ appoġġ għall-introjtu u politiki oħra ta’ protezzjoni soċjali li jiżguraw l-inklużjoni attiva biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Ir-rapporti ta’ progress mill-Istati Membri għandhom jiġu abbozzati bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali u l-imsieħba soċjali rilevanti, u r-rapporti tagħhom għandhom jiġu indirizzati b’mod regolari mill-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Minkejja xi progress miksub fit-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE mill-bidu tas-seklu ’l hawn, fl-2021 aktar minn 95,4 miljun persuna kienu għadhom f’riskju ta’ faqar.

2.2.

Hemm żieda fir-riskju tal-faqar għall-persuni li jgħixu f’familji (kważi) mingħajr impjieg, u hemm deterjorament fil-livell u l-persistenza tal-faqar f’ħafna Stati Membri, u r-riskju huwa ikbar għan-nisa milli għall-irġiel. Il-mira tal-UE hija stabbilita biex tnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar b’mill-inqas 15-il miljun sal-2030.

2.3.

Fil-perjodu twil, l-evoluzzjoni demografika se jkollha konsegwenzi ekonomiċi kbar peress li l-forza tax-xogħol se tonqos u popolazzjoni li qed tixjieħ malajr se tpoġġi pressjoni addizzjonali fuq il-finanzi pubbliċi u l-finanzjament ta’ skemi ta’ introjtu minimu.

2.4.

Il-kuntest attwali għall-qbil politiku tal-Kunsill — bil-gwerra fl-Ukrajna, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żieda fl-inflazzjoni — huwa saħansitra aktar diffiċli. Il-FMI jistma li l-inflazzjoni fid-dinja se tiżdied bi 8,8 % din is-sena u b’6,5 % fl-2023.

2.5.

Il-ġenituri waħedhom jikkostitwixxu inqas minn 15 % tal-familji fl-UE iżda jinsabu f’riskju ferm ikbar ta’ faqar u nuqqas ta’ impjieg. Għall-ġenituri waħedhom lanqas impjieg full-time ma jkun salvagwardja kontra r-riskju tal-faqar. Unitajiet domestiċi b’introjtu doppju f’impjieg full-time li normalment ma jkunux f’riskju ta’ faqar madankollu jkunu f’riskju jekk ikollhom aktar minn żewġt itfal (1).

2.6.

Il-benefiċċji tal-introjtu minimu huma benefiċċji minimi marbuta mal-mezzi finanzjarji, mogħtija abbażi tal-ħtiġijiet u intiżi għall-persuni qiegħda li jistgħu jaħdmu, u huma marbuta ma’ inċentivi suffiċjenti biex jidħlu (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol. Normalment, il-politiki nazzjonali jirrikjedu valutazzjoni tal-introjtu disponibbli flimkien mal-ittestjar tal-mezzi personali. L-iskemi ta’ introjtu minimu huma inkorporati fil-kuntesti u t-tradizzjonijiet nazzjonali u huma marbuta mas-sistemi usa’ ta’ protezzjoni soċjali ta’ kull Stat Membru.

2.7.

Hemm differenzi kbar ħafna bejn l-istati soċjali b’mod ġenerali fir-rigward tal-livell u l-kompożizzjoni tal-introjtu minimu u dan huwa l-każ ukoll fl-UE. Kif indikat mill-istudji tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji tal-introjtu minimu tvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri.

2.8.

L-ebda pajjiż bħalissa ma jiżgura appoġġ adegwat għall-introjtu għall-familji mingħajr impjieg biex jiġu evitati r-riskji tal-faqar, u 20 % tal-persuni mingħajr impjieg mhumiex eliġibbli li jirċievu xi tip ta’ appoġġ. Hemm ukoll problema ta’ nuqqas ta’ użu tal-introjtu minimu stmat għal bejn 30 u 50 %.

2.9.

Il-komponenti tal-introjtu li għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi analizzat il-livell tal-introjtu minimu huma l-pagi, il-benefiċċji tal-assistenza soċjali, il-benefiċċji tat-tfal (l-aktar introjtu addizzjonali komuni), il-benefiċċji għall-akkomodazzjoni, l-enerġija u tas-saħħa, benefiċċji oħra bħal benefiċċji in natura, li kollha jitkejlu wara t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali.

2.10.

Fil-livell Ewropew, l-introjtu minimu kien is-suġġett tal-azzjonijiet u l-istrumenti li ġejjin:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KE u r-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol,

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Artikolu 14 (2) u prinċipji oħra bħal dawk dwar “Appoġġ attiv għall-impjiegi”, “Il-protezzjoni soċjali”, “Aċċess għal servizzi essenzjali”, “Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja” u “Opportunitajiet indaqs”,

Is-Semestru Ewropew li joffri qafas għall-monitoraġġ rilevanti tal-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-politika abbażi tal-qafas ta’ valutazzjoni komparattiva tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-Kunsill,

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-introjtu minimu matul il-pandemija tal-COVID-19 u lil hinn u l-istedina lill-Istati Membri biex jirrieżaminaw l-iskemi nazzjonali tagħhom ta’ introjtu minimu (3).

Linji gwida dwar l-impjiegi 2022.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-faqar huwa multidimensjonali u jidher fl-oqsma kollha tal-ħajja. Il-faqar jirrifletti l-fallimenti fis-sistemi għar-ridistribuzzjoni b’mod ġust u ekwu tar-riżorsi u l-opportunitajiet. Għalhekk, skema ta’ introjtu minimu hija kundizzjoni neċessarja, għalkemm mhux suffiċjenti, biex tippermetti ħajja dinjituża u triq vijabbli biex noħorġu mill-faqar. Il-faqar jingħaqad ma’ forom oħra ta’ inġustizzja soċjali. L-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u dawk razzjali jaggravaw ir-riskju tal-faqar, mentri l-faqar iżid ir-riskju tal-esklużjoni u d-diskriminazzjoni, b’mod speċjali f’termini ta’ saħħa, edukazzjoni u taħriġ u esponiment għal dipendenza finanzjarja u vjolenza.

3.2.

Il-KESE jilqa’ l-kontenut tar-Rakkomandazzjoni, speċjalment l-implimentazzjoni ta’ kriterji realistiċi u suffiċjenti għal-livell u l-aċċessibbiltà tal-introjtu minimu, il-garanzija legali tagħha u s-sistema ta’ rapportar, rikonoxximent ulterjuri mill-Kummissjoni Ewropea tal-ħtieġa għal politika soċjali attiva fil-livell tal-UE u azzjonijiet ulterjuri biex jiġi miġġieled il-faqar fl-UE. Ir-Rakkomandazzjoni hija pass lejn l-implimentazzjoni tal-Prinċipju 14 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jiddikjara li “kull min m’għandux riżorsi suffiċjenti għandu d-dritt għal benefiċċji minimi ta’ introjtu adegwati li jiżguraw ħajja f’dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja”.

3.3.

Wara l-aggressjoni illegali u barbara tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kuntest attwali għall-qbil politiku tal-Kunsill huwa saħansitra aktar diffiċli minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u r-rata għolja ta’ inflazzjoni li qegħdin jaffettwaw lill-unitajiet domestiċi, speċjalment lill-familji b’introjtu baxx. Fl-isfond ta’ megatendenzi bħall-globalizzazzjoni, it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u t-tibdil demografiku, is-swieq tax-xogħol Ewropej jinsabu fil-proċess ta’ tranżizzjonijiet kbar. Is-sistemi ta’ introjtu minimu għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta’ appoġġ u inċentivi għall-integrazzjoni (mill-ġdid) tan-nies fis-suq tax-xogħol.

3.4.

Hemm bżonn ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għal kulħadd għal introjtu minimu adegwat li ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura, ma għandux kriterji restrittivi żżejjed, huwa bbażat fuq rekwiżiti trasparenti u nondiskriminatorji u jitkejjel b’mod preċiż biex tiġi żgurata l-effettività tiegħu. Soċjetà inklużiva għandha tkopri s-setturi kollha tas-soċjetà u l-Istati Membri għandhom jintroduċu mekkaniżmi ta’ monitoraġġ robusti biex jagħtu segwitu għall-introjtu minimu u l-użu tiegħu mingħajr aktar dewmien.

3.5.

Skemi effettivi ta’ introjtu minimu jistgħu jgħinu biex jiggarantixxu li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati, jiżguraw li n-nies jgħixu f’dinjità, jgħinuhom jibqgħu attivi u inklużi fis-soċjetà, u jgħinu biex in-nies jiġu integrati f’impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza ta’ skemi ta’ introjtu minimu għall-persuni li jaħdmu għal rashom fl-Ewropa, li għandhom ikunu intitolati bis-sħiħ għall-istess appoġġ u benefiċċji bħal gruppi oħra.

3.6.

L-indirizzar tal-faqar u l-inugwaljanzi fl-introjtu huwa importanti mhux biss għal raġunijiet ta’ ġustizzja iżda wkoll biex jiġi appoġġjat it-tkabbir ekonomiku. Kif iddikjarat fir-rapport tal-OECD tal-2021 (4), politiki tat-tassazzjoni mfassla tajjeb jistgħu jappoġġjaw it-tkabbir inklużiv u sostenibbli u jindirizzaw id-distribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid. F’dan il-kuntest, it-tkabbir inklużiv għandu jkollu l-għan li jaqsam il-benefiċċji tat-tkabbir b’mod ġust, kif ukoll li jippromovi l-inklużività tas-swieq tax-xogħol. L-effett stabbilizzanti ġenerali tas-sistemi ta’ introjtu minimu għall-ekonomija għandu jiġi nnutat ukoll f’dan il-kuntest.

3.7.

L-iskemi ta’ introjtu minimu għandhom ikunu parti mill-istrateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar li jintegraw b’mod effettiv miżuri biex jinkisbu pagi ġusti u xogħol deċenti, aċċess għal servizzi essenzjali affordabbli u ta’ kwalità, aċċess għal sigurtà soċjali bażika u appoġġ adegwat għall-introjtu, servizzi soċjali ċċentrati fuq il-persuna u politiki ta’ inklużjoni attiva.

3.8.

Il-KESE jenfasizza l-għan ta’ metodoloġija fl-Ewropa kollha appoġġjata minn analiżi Ewropea biex tgħin lill-Istati Membri jiddefinixxu l-adegwatezza tal-introjtu minimu permezz ta’ metodu adatt bħall-indikatur maqbul tal-UE tar-riskju ta’ faqar ta’ 60 % tal-introjtu disponibbli ekwalizzat jew/u bbażat fuq baġit ta’ referenza (inkluż l-ikel, l-akkomodazzjoni, l-ilma, l-elettriku, it-tisħin, it-telekomunikazzjonijiet, is-saħħa, it-trasport, id-divertiment u l-kultura).

3.9.

Kif iddikjarat fil-premessi tal-qbil politiku tal-Kunsill, l-impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli huma l-aħjar mod kif wieħed joħroġ mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. Aktar ma jkun hemm persuni fis-suq tax-xogħol, aktar ikun hemm finanzjament sostenibbli disponibbli għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, peress li dawn huma fil-biċċa l-kbira ffinanzjati permezz ta’ taxxi fuq l-impjiegi.

3.10.

Filwaqt li l-Istati Membri żviluppaw u rriformaw ix-xbieki ta’ sikurezza soċjali tagħhom matul is-snin, billi qiesu l-gwida pprovduta mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE, l-iżviluppi fl-ekonomija, fis-swieq tax-xogħol u fis-soċjetajiet b’mod ġenerali fl-Ewropa ħolqu sfidi ġodda u ħtieġa urġenti li jiġi aġġornat il-qafas Ewropew biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-faqar.

3.11.

Id-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji tas-sistemi soċjali tagħhom, il-kompetenzi komplementari tal-UE u tal-Istati Membri u l-użu sħiħ tal-istrumenti tat-Trattat tal-UE għandhom ikunu l-prinċipji gwida ta’ kwalunkwe azzjoni tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. Huwa importanti wkoll li jiġu analizzati l-iskemi eżistenti ta’ introjtu minimu fir-rigward tal-arranġamenti komprensivi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istati Membri. Madankollu, hemm lok għal azzjoni fil-livell tal-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom.

3.12.

L-indirizzar tal-inugwaljanzi fl-introjtu jirrikjedi riformi determinati, politiki kkoordinati u azzjonijiet immirati tajjeb mill-Istati Membri f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bħas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji, il-mekkaniżmi fl-iffissar tal-pagi, l-inċentivi tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-opportunitajiet indaqs u s-servizzi ta’ kwalità b’aċċess għal kulħadd u għall-but ta’ kulħadd. Barra minn hekk, prerekwiżit ewlieni għas-sistemi kollha ta’ ridistribuzzjoni huwa t-tkabbir sostenibbli bbażat fuq swieq li jiffunzjonaw tajjeb u kumpaniji kompetittivi.

3.13.

Il-KESE jaqbel mal-konklużjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li l-konsulenza dwar l-impjiegi, il-pjani ta’ azzjoni individwali u l-integrazzjoni tal-miżuri ta’ attivazzjoni fl-introjtu minimu għandhom effett pożittiv fuq il-probabbiltà li wieħed jidħol f’impjieg b’suċċess.

3.14.

Il-KESE jenfasizza s-sejba tas-servizzi tal-Kummissjoni li proporzjon kbir tal-benefiċjarji tal-introjtu minimu mhumiex soġġetti għal miżuri ta’ Politika Attiva tas-Suq tax-Xogħol (ALMP), minkejja li jistgħu jkunu kapaċi jaħdmu. Filwaqt li għandu jkun hemm bilanċ ġust b’mod ġenerali bejn l-inċentivi u rabta aktar b’saħħitha mal-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ għall-introjtu u miżuri ta’ attivazzjoni, għandha tingħata attenzjoni lil gruppi speċjali, bħal żgħażagħ barra mis-suq tax-xogħol jew li huma f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.

3.15.

In-Network Ewropew Kontra l-Faqar (EAPN) identifika l-adegwatezza, l-aċċessibbiltà u l-karattru abilitanti bħala tliet kriterji ewlenin tat-tfassil tal-politika għall-iskemi ta’ introjtu minimu:

B’adegwatezza nifhmu li l-introjtu jkun suffiċjenti għal ħajja dinjituża;

L-aċċessibbiltà tiffoka fuq l-iżgurar tal-aċċess u l-kopertura komprensiva għall-persuni kollha li jeħtieġu skemi ta’ introjtu minimu;

Il-karattru abilitanti huwa relatat mal-użu ta’ parametri ta’ tfassil li huma konformi ma’ mudell ta’ inklużjoni attiva integrat u ċċentrat fuq il-persuna.

3.16.

Kif ġie indikat b’mod korrett fil-qbil politiku tal-Kunsill, il-piż amministrattiv sproporzjonat, in-nuqqas ta’ għarfien jew il-biża’ ta’ stigmatizzazzjoni jew diskriminazzjoni jistgħu jwasslu biex dawk eliġibbli għal introjtu minimu ma jitolbux aċċess għalih.

3.17.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, flimkien mal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju b’mod ġenerali, huma importanti, speċjalment bħala impjieg fil-livell tad-dħul fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ekonomija Soċjali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-aħjar proġetti fil-livell nazzjonali.

3.18.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi speċifiċi bħal familji b’ġenitur wieħed, familji migranti, żgħażagħ, persuni b’diżabilità u Rom.

3.19.

Ħafna pensjonanti llum jiddependu minn introjtu minimu peress li l-pensjoni tagħhom hija baxxa wisq. Jekk ma jkunux jistgħu jaħdmu, mhuwiex possibbli għal dawn l-anzjani li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol biex jiksbu introjtu aħjar. Dawn jeħtieġu sistemi tal-pensjoni li jipprovdulhom pensjoni adegwata sabiex ma jkollhomx għalfejn jiddependu minn appoġġ għall-introjtu minimu. Peress li x-xejra demografika fl-Istati Membri turi li se jkollna aktar pensjonanti fil-futur, huwa importanti li huma jkollhom sistemi tal-pensjonijiet li jipprovdu pensjonijiet adegwati.

3.20.

Il-KESE jipproponi li l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-livelli ta’ introjtu minimu mill-inqas fuq bażi annwali u dan għandu jiġi indiċjat biex titqies l-inflazzjoni, mill-inqas fuq bażi annwali skont il-livell ta’ inflazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Dwar l-adegwatezza tal-introjtu minimu

4.1.1.

Bħalissa f’għadd kbir ta’ Stati Membri, l-istabbiliment u l-livell ta’ benefiċċji tal-introjtu minimu mhumiex ibbażati fuq metodoloġija robusta jew marbuta ma’ indikaturi bbażati fuq l-istatistika. L-ewwel pass huwa li jiġi stabbilit dan it-tip ta’ metodoloġija u li jitqiesu s-sorsi differenti ta’ introjtu u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-unitajiet domestiċi.

4.1.2.

Fir-rigward tal-livell tal-introjtu minimu, il-KESE jinnota li fir-Rakkomandazzjoni hemm metodi differenti proposti biex jiġi definit dan il-minimu: billi ssir referenza għal-limitu nazzjonali tar-riskju ta’ faqar, billi jiġi kkalkulat il-valur monetarju tal-oġġetti u s-servizzi meħtieġa skont id-definizzjonijiet nazzjonali, jew b’referenza għal liġijiet jew prattiki nazzjonali stabbiliti oħra. Dan jimplika wkoll li jistgħu jiġu kkunsidrati sistemi b’baġits ta’ referenza. Dawn is-sistemi huma bbażati fuq basket ta’ oġġetti u servizzi definit fil-livell nazzjonali li jirrifletti l-għoli tal-ħajja fi Stat Membru partikolari jew saħansitra reġjun u jistgħu jgħinu biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza.

4.1.3.

Il-KESE jinsisti li huwa meħtieġ li l-introjtu minimu jinżamm konformi mal-inflazzjoni, speċjalment maż-żieda fl-għoli tal-ħajja f’termini ta’ ikel u enerġija, u dan għandu jsir fuq bażi regolari. F’dan is-sens, ir-rieżami annwali fil-livell tal-Istati Membri huwa rakkomandazzjoni ċara.

4.1.4.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati baġits ta’ referenza ta’ basktijiet ta’ oġġetti u servizzi fil-livell tal-Istati Membri b’koordinazzjoni fil-livell Ewropew. Dan jgħin lill-Istati Membri jiżguraw l-adegwatezza tal-iskemi ta’ introjtu minimu. Il-basket ta’ oġġetti u servizzi jrid jinkludi l-akkomodazzjoni, l-ilma, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, l-ikel, is-saħħa, it-trasport, il-kultura u d-divertiment, fost ħtiġijiet oħra. Mekkaniżmi li jippermettu indiċjar preċiż u rapidu għall-prezzijiet reali huma kruċjali biex tiġi żgurata l-adegwatezza, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi li għandhom impatt fuq l-għoli tal-ħajja.

4.1.5.

Il-benefiċċji tal-introjtu minimu ma għandhomx jintużaw bħala mezz biex jiġu ssussidjati pagi baxxi. Fejn huma previsti soluzzjonijiet addizzjonali għal dawk li jesperjenzaw faqar fost dawk li jaħdmu, dawn għandhom ikunu miżuri temporanji u komplementari. Ir-rikonoxximennt tal-forom multipli ta’ xogħol, politika attiva tas-suq tax-xogħol u politika adegwata dwar il-pagi, flimkien ma’ sigurtà soċjali u sistemi tat-taxxa ta’ appoġġ għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati biex jiġu żgurati impjiegi ta’ kwalità u standard tal-għajxien deċenti. Persuni li b’mod permanenti jew kompletament ma jistgħux jiġu impjegati f’kundizzjonijiet deċenti għal ħajja dinjituża għandhom jiġu ggarantiti xbieki ta’ sikurezza robusti għat-tul ta’ żmien li jkollhom bżonnhom.

4.1.6.

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li benefiċċji bħall-benefiċċju tad-diżabbilità mhux se jitqiesu bħala parti mill-ittestjar tal-mezzi biex jiġi deċiż jekk persuna hijiex intitolata għall-benefiċċju tal-introjtu minimu, peress li dawk il-benefiċċji jkopru spejjeż addizzjonali minħabba ħtiġijiet speċifiċi. Dan juri li qed inkunu sensittivi ħafna għal dawk li verament jeħtieġu l-għajnuna fis-soċjetà tagħna.

4.1.7.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-familji vulnerabbli u lill-ġenituri waħedhom, fil-biċċa l-kbira nisa peress li għalihom ir-rwol komplementari tal-benefiċċji tat-tfal, u ta’ indukrar tat-tfal aċċessibbli u provvedimenti oħra ta’ indukrar, huwa essenzjali.

4.1.8.

Il-pagi minimi adegwati, stabbiliti bil-liġi jew permezz ta’ negozjar kollettiv, jikkostitwixxu strument siewi biex jiġi indirizzat il-faqar. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar pagi minimi adegwati se jkollha impatt pożittiv fuq ir-riskju tal-faqar għal parti sinifikanti tal-forza tax-xogħol, ċertament għall-ħaddiema waħedhom f’impjiegi full-time u għall-unitajiet domestiċi b’introjtu doppju. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu mħeġġa jimplimentaw dan permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Ladarba d-Direttiva tiġi implimentata, il-paga minima tista’, fejn applikabbli, tintuża wkoll bħala referenza għall-introjtu minimu sakemm l-introjtu minimu jkun jinsab fil-livell tal-faqar.

4.1.9.

Il-KESE jemmen li l-iskemi ta’ introjtu minimu għandhom jinkludu kemm servizzi fi flus kontanti kif ukoll servizzi in natura għal dawk li ma jistgħux jaħdmu jew li għalihom huwa kważi impossibbli li jaħdmu.

4.1.10.

Il-benefiċċji relatati max-xogħol jista’ jkollhom ukoll rwol importanti biex jattiraw persuni inattivi lejn is-suq tax-xogħol (5).

4.1.11.

Il-mira tal-Kunsill Ewropew li jitnaqqas l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali bi 15-il miljun hija stabbilita għall-2030 u jaf tidher li hija limitata fl-ambizzjoni. Iżda din il-mira trid titqies bħala minimu u billi jiġi kkunsidrat li xi pajjiżi bħalissa saħansitra jinsabu f’inqas minn 20 % f’termini ta’ adegwatezza u se jkollhom bżonn żmien pjuttost twil biex jilħqu l-miri. Il-Kummissjoni ddikjarat li r-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi perjodu għal implimentazzjoni progressiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-adegwatezza tal-appoġġ għall-introjtu. Għall-isfidi l-oħra, bħall-kopertura u l-użu, id-dewmien għandu jkun iqsar.

4.2.    Dwar il-kopertura, l-eliġibbiltà u l-użu

4.2.1.

Bħalissa, bħala medja, 20 % tal-persuni mingħajr impjieg mhumiex eliġibbli għall-iskemi ta’ introjtu minimu. Dan minħabba l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jikkonċernaw l-età minima, il-perjodu ta’ residenza fil-pajjiż, in-nuqqas ta’ indirizzi għall-persuni mingħajr dar, kwistjonijiet ta’ kompożizzjoni tal-familja, eċċ. Dawn il-lakuni fil-kopertura għandhom jiġu indirizzati mill-Istati Membri. Hemm ukoll kwistjoni dwar il-kontinwità tal-kopertura matul il-fażijiet differenti tal-ħajja u l-attività. Fi kwalunkwe każ, fl-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti kriterji ta’ aċċess trasparenti u nondiskriminatorji.

4.2.2.

Ir-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ użu tidher li hi fil-biċċa l-kbira tal-amministrazzjoni; dan huwa inġust u għandu jiġi indirizzat. Mid-dehra, in-nuqqas ta’ użu tal-introjtu minimu jvarja minn 30 sa 50 % fl-Istati Membri. Dan jidher għoli ħafna u din hija stima pjuttost ġenerali. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jiġbru informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ użu u r-raġunijiet għaliex dan in-numru huwa daqshekk għoli. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-enfasi fil-qbil politiku tal-Kunsill biex jitħeġġeġ l-użu sħiħ tal-introjtu minimu permezz ta’ sett ta’ miżuri bħat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, l-iżgurar ta’ informazzjoni faċli għall-utent, it-teħid ta’ passi biex tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni u azzjoni proattiva fir-rigward ta’ persuni li m’għandhomx riżorsi suffiċjenti.

4.2.3.

L-introjtu minimu għandu jiggarantixxi b’mod espliċitu l-aċċess għaż-żgħażagħ mill-età ta’ 18-il sena u għall-migranti. Peress li l-introjtu minimu huwa benefiċċju nonkontributorju, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi evitat lingwaġġ ambigwu fir-rigward ta’ x’għandu jinftiehem bħala tul adatt ta’ residenza.

4.2.4.

Indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi diżaggregati fil-livell tal-UE huma meħtieġa biex ikopru l-kopertura attwali tal-iskemi ta’ introjtu minimu. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-rati ta’ użu u lill-effikaċja tal-iskemi, speċjalment fir-rigward ta’ gruppi emarġinati, inklużi r-Rom, ir-refuġjati u l-persuni mingħajr dar.

4.3.    Dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol

4.3.1.

Is-sistemi ta’ introjtu minimu għandhom jitfasslu b’miżuri b’saħħithom ta’ attivazzjoni għal persuni li jkunu kapaċi jaħdmu permezz ta’ politiki għal prijoritajiet ta’ kura temporanja. Fi kwalunkwe każ, l-introjtu mix-xogħol m’għandux inaqqas b’mod sproporzjonat il-benefiċċji soċjali, sabiex tiġi evitata nassa tal-inċentivi.

4.3.2.

Il-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ ħidma pubblika u l-opportunitajiet fis-settur tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu żviluppati bis-sħiħ speċjalment għall-gruppi l-aktar vulnerabbli.

4.3.3.

Għal dawk li ilhom qiegħda u l-persuni inattivi li jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, l-appoġġ immirat huwa ta’ importanza partikolari. Il-benefiċċji relatati max-xogħol flimkien ma’ miżuri strutturali li jiffaċilitaw l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli jistgħu jiffaċilitaw id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol, iżda dawn għandhom ikunu temporanji.

4.3.4.

Il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ attivazzjoni teħtieġ id-disponibbiltà ta’ miżuri adegwati bħall-programmi ta’ edukazzjoni, taħriġ u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, akkumpanjati minn servizzi ta’ appoġġ bħal konsulenza, ikkowċjar jew assistenza fit-tiftix ta’ impjieg. L-iżvilupp ta’ miżuri effettivi jeħtieġ impenn qawwi mill-Istati Membri f’politiki attivi tas-suq tax-xogħol f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bħall-imsieħba soċjali. L-amministrazzjoni u l-persunal tagħha għandhom ikunu kkwalifikati għall-kompitu diffiċli tagħhom u jużaw l-għarfien espert u xjentifiku. Il-kwalifiki individwali, il-potenzjal, il-ħiliet u l-pjani ta’ karriera tal-persuni qiegħda għandhom jitqiesu b’mod sistematiku.

4.4.    Dwar l-aċċess għal servizzi essenzjali

4.4.1.

Ir-Rakkomandazzjoni tikkonferma l-ħtieġa li jiġi garantit aċċess effettiv għal servizzi essenzjali ta’ kwalità u affordabbli (ilma, sanità, enerġija, trasport, servizzi finanzjarji u komunikazzjonijiet diġitali) kif elenkati fil-Prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Id-diġitalizzazzjoni għandha titqies bħala determinant soċjali ġdid għall-aċċess għal servizzi essenzjali u għandhom jittieħdu azzjonijiet biex jingħeleb id-distakk diġitali.

4.5.    Dwar il-governanza

4.5.1.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-governanza tax-xbieki ta’ sikurezza soċjali fil-livelli kollha ssir aktar effettiva. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-koordinazzjoni b’saħħitha tal-partijiet interessati differenti, kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati għandhom jiġu definiti b’mod ċar filwaqt li jiġu evitati l-effetti ta’ kompartimentalizzazzjoni.

4.5.2.

L-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ introjtu minimu għandha tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (b’mod partikolari dawk li jaħdmu mal-persuni li jesperjenzaw il-faqar), lill-fornituri tas-servizzi soċjali u lill-imsieħba soċjali fl-Istati Membri kollha. Il-partijiet interessati għandhom jiġu kkonsultati bħala parti mill-iżvilupp ta’ sistemi kontinwi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

4.6.    Dwar il-monitoraġġ

4.6.1.

Kif indikat fil-qbil politiku tal-Kunsill, biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din ir-rakkomandazzjoni bl-aktar mod effiċjenti, hemm bżonn ta’ monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-politiki ta’ appoġġ għall-introjtu u tal-miżuri ta’ attivazzjoni tas-suq tax-xogħol relatati kif ukoll tal-aċċess għas-servizzi, appoġġjat minn evalwazzjonijiet regolari. Ir-rapporti ta’ progress mill-Istati Membri għandhom jiġu abbozzati bil-parteċipazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali u l-imsieħba soċjali rilevanti, u r-rapporti tagħhom għandhom jiġu indirizzati b’mod regolari mill-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni. Il-KESE mhuwiex wieħed mill-ħafna partijiet interessati fil-livell tal-UE, kif jissemma fl-abbozz ta’ rakkomandazzjoni, iżda istituzzjoni ċentrali bbażata fuq it-Trattat fil-proċess ta’ monitoraġġ.

4.6.2.

L-iskemi ta’ introjtu minimu għandhom jinkludu salvagwardji li jiżguraw in-nondiskriminazzjoni kontra benefiċjarji reali jew potenzjali, kif ukoll mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-gruppi vulnerabbli. L-Istati Membri kollha għandhom jistabbilixxu korpi interni biex jimmonitorjaw li l-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali ta’ dawk kollha involuti jiġu rispettati.

4.6.3.

Biex isir progress huwa importanti li jsir żvilupp fuq il-bażi tal-informazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u li tittieħed l-azzjoni meħtieġa sabiex kull Stat Membru jkun f’pożizzjoni aħjar biex itejjeb il-mod kif joperaw l-iskemi nazzjonali tal-introjtu. Dan jinkludi l-ħtieġa li jiġu organizzati skambji dwar prattiki nazzjonali, seminars u avvenimenti tematiċi. F’dan ir-rigward, u biex jiġi rivedut il-progress, il-KESE jilqa’ l-attivitajiet istituzzjonali proposti bħat-tisħiħ tal-kooperazzjoni eżistenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat tal-Impjiegi u n-Network tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Madankollu, jeħtieġ li jinstabu modi biex jingħelbu l-ostakli u d-diffikultajiet ikkawżati mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data li jistgħu jfixklu bla bżonn il-kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet.

4.6.4.

L-istadji tal-monitoraġġ tal-Istati Membri huma essenzjali speċjalment għal dawk li għadhom lura milli jilħqu l-miri. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ triq ’il quddiem ċara bl-użu tas-Semestru Ewropew u għodod oħra biex l-Istati Membri kollha jibqgħu jiġu segwiti fil-progress tagħhom.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Minn Minimum income support for families with children in Europe and the US. Where do we stand? minn Ive Marx, Elize Aerts, Zachary Parolin, Mejju 2022 SocArXiv (Appoġġ ta’ introjtu minimu għall-familji bit-tfal fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. X’inhi s-sitwazzjoni llum? [mhux disponibbli bil-Malti]); Children at risk of poverty or social exclusion (Tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali [mhux disponibbli bil-Malti]).

(2)  Kull min ma għandux riżorsi suffiċjenti għandu d-dritt għal benefiċċji minimi ta’ introjtu adegwati li jiżguraw ħajja f’dinjità fl-istadji kollha tal-ħajja, u għal aċċess effettiv li jippermetti prodotti u servizzi. Għal dawk li jistgħu jaħdmu, il-benefiċċji ta’ introjtu minimu għandhom jitħalltu ma’ inċentivi għall-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol.

(3)  Il-KESE ddiskuta l-introjtu minimu fl-Opinjonijiet tiegħu: Lejn Direttiva qafas Ewropea dwar l-introjtu minimu (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1); Pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew/il-Kunsill) (europa.eu) — para. 1.6, 3.3.7 (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159); Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (europa.eu) (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23).

(4)  OECD (2021): Tax and fiscal policies after the COVID-19 crisis (Il-politiki tat-tassazzjoni u fiskali wara l-kriżi tal-COVID-19 — mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ir-rwol li l-benefiċċji relatati max-xogħol jaqdu fis-suq tax-xogħol huwa enfasizzat fil-punt 3.4.3 tal-Opinjoni SOC/737 dwar “Linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri” (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 161).


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li tħassar l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE”

(COM(2022) 688 final — 2022/0400 (COD))

u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li tħassar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE”

(COM(2022) 689 final — 2022/0401 (APP))

(2023/C 184/13)

Relaturi:

Sif HOLSTNicoletta MERLO

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 15.12.2022 (COM(2022) 688 final)

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21.12.2022 (COM(2022) 688 final)

Kummissjoni Ewropea, 8.2.2023 (COM(2022) 689 final)

Bażi legali

Artikoli 19(1) u 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

8.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

164/01/02

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw ir-rwol ta’ difensuri tad-drittijiet tal-vittmi tad-diskriminazzjoni, u jilqa’ b’mod partikolari l-enfasi espliċita fuq il-promozzjoni u l-prevenzjoni, u fuq li jingħataw riżorsi adegwati, sabiex il-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom b’mod indipendenti u effettiv.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-istabbiliment ta’ standards għall-korpi tal-ugwaljanza u s-sussidjarjetà fid-Direttivi proposti, u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-objettiv ġenerali tad-Direttivi – li jiżdiedu s-saħħa u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza – jibqa’ prijorità.

1.3.

Il-KESE jemmen li tkun opportunità mitlufa jekk ma jitqisux sew il-forom intersezzjonali u multipli ta’ diskriminazzjoni; għalhekk, jitlob li l-aspett tal-intersezzjonalità jitqies fil-politiki kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, sabiex jiġi żgurat li kull vittma tingħata protezzjoni.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni tal-obbligu legali propost għall-korpi tal-ugwaljanza li jkunu ħielsa minn influwenza esterna u li jiżguraw li jkollhom riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji sostenibbli u suffiċjenti.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-obbligu għall-istituzzjonijiet pubbliċi li jikkonsultaw fil-ħin lill-korpi tal-ugwaljanza u li jqisu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, iżda jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jirrapportaw dwar l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-interazzjonijiet tagħhom mal-korpi tal-ugwaljanza u r-riżultati ta’ tali azzjonijiet.

1.6.

Il-KESE jemmen li jekk il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza jkun f’idejn il-Kummissjoni Ewropea dan jiżgura livell għoli ta’ attenzjoni fuq il-monitoraġġ. Madankollu, sabiex dan ikun effettiv, jitlob li jiġi kkunsidrat jekk il-perjodu ta’ żmien għar-rapportar jistax jitnaqqas għal tliet snin minflok għal ħames snin, kif propost mid-Direttivi.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-kjarifika li l-aċċessibbiltà għal kulħadd teħtieġ ukoll attenzjoni għar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, u jenfasizza li l-aċċessibbiltà tista’ tkun ukoll kwistjoni ta’ aċċess għal pariri.

1.8.

Il-KESE jqis li huwa importanti ħafna li tiġi rispettata d-diversità tal-oqfsa legali u l-prattiki nazzjonali dwar in-nondiskriminazzjoni – inkluż il-fatt li ħafna Stati Membri taw setgħat lill-korpi tal-ugwaljanza li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tad-Direttivi eżistenti dwar l-ugwaljanza – u li jitqiesu d-differenzi fil-mod kif l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fil-proċess. Il-proposti għandhom jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, filwaqt li jissalvagwardjaw kontra t-tnaqqis tal-istandards eżistenti ta’ protezzjoni għall-vittmi tad-diskriminazzjoni. Il-KESE jinsisti wkoll li l-proposti għandhom jippromovu rwol ewlieni għall-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali ta’ nondiskriminazzjoni u jsaħħu l-prattiki eżistenti ta’ appoġġ għall-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-korpi tal-ugwaljanza.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-eżerċitar tas-setgħat investigattivi fil-kuntest ta’ proċedimenti f’isem il-vittmi tad-diskriminazzjoni jew b’appoġġ għalihom irid ikun mingħajr preġudizzju għas-setgħat u l-indipendenza tal-investigazzjonijiet mill-qrati, mit-tribunali u minn korpi pubbliċi oħra ta’ monitoraġġ bħall-ispettorati tax-xogħol.

1.10.

Il-KESE jitlob li tiġi pprovduta protezzjoni adegwata għall-ilmentaturi, li jiġi garantit kumpens proporzjonat għar-reat imġarrab mill-vittma, u li jiġu żgurati pieni għat-trasgressuri, bl-għan li ssir enfasi fuq approċċ iċċentrat fuq l-individwu għall-vittmi ta’ vjolenza jew diskriminazzjoni. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittma, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u stabbiliti fil-livell nazzjonali f’konformità mal-oqfsa u l-prattiki legali nazzjonali (1).

1.11.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-kampanji ta’ promozzjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-UE u r-rispett għad-diversità jiġu żviluppati u ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea, u li jitwettqu fil-livell lokali minn korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, u jiġu adattati għall-ħtiġijiet tat-territorji. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aktar gruppi vulnerabbli u għandhom jiġu ppjanati kampanji speċjali mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ fl-iskola, minn età bikrija.

1.12.

Il-KESE jitlob il-ġbir u l-analiżi regolari ta’ data diżaggregata biex jiġu mmonitorjati l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla, u jenfasizza l-importanza li titwettaq riċerka sistematika dwar l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, anke f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali fi kwistjonijiet relatati mal-post tax-xogħol.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1.

Il-korpi tal-ugwaljanza huma istituzzjonijiet pubbliċi nazzjonali stabbiliti madwar l-Ewropa biex jippromwovu l-ugwaljanza għal kulħadd u jindirizzaw id-diskriminazzjoni. Dawn huma organizzazzjonijiet indipendenti li jassistu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni. Huma għandhom rwol fundamentali fl-arkitettura tan-nondiskriminazzjoni tal-UE (2).

2.2.

Il-korpi tal-ugwaljanza ġew stabbiliti għall-ewwel darba mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) (3). Tliet Direttivi sussegwenti dwar l-ugwaljanza inkarigaw lill-korpi tal-ugwaljanza bl-istess missjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom: id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi (2004/113/KE) (4), id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tal-impjiegi (2006/54/KE) (5) u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-qasam tal-impjiegi indipendenti (2010/41/UE) (6).

2.3.

Dawn id-Direttivi ma jinkludux referenzi għall-istruttura u l-funzjonament tal-korpi tal-ugwaljanza, iżda jistabbilixxu biss għadd ta’ kompetenzi minimi, u għalhekk ma jipprekludux l-eżistenza ta’ differenzi saħansitra sostanzjali bejn l-Istati Membri. Fl-2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza (7), li għandha l-għan li tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet wiesgħa u mhux kompluti dwar il-korpi tal-ugwaljanza fid-Direttivi tal-UE. Madankollu, din ir-Rakkomandazzjoni ma rnexxielhiex tagħlaq dan id-distakk (8).

2.4.

Fis-7 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ proposti (9) biex issaħħaħ il-korpi tal-ugwaljanza, b’mod partikolari l-indipendenza, ir-riżorsi u s-setgħat tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu d-diskriminazzjoni b’mod aktar effettiv skont id-Direttivi kollha tal-UE diġà adottati fil-qasam tat-trattament ugwali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-ugwaljanza, li hija wieħed mill-valuri bażiċi tal-UE, hija wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-KESE. Fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (10), il-KESE rrikonoxxa l-isforzi tal-UE f’dak li jikkonċerna l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-difiża kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika, ir-razza jew l-età, ir-reliġjon, l-opinjoni jew it-twemmin, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTQIA+, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kif ukoll l-integrazzjoni tal-persuni Rom u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti. Il-KESE enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ politiki b’saħħithom, riżorsi reali, involviment fit-tul u appoġġ aktar sinifikanti għall-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment biex jittejbu l-indipendenza u l-effiċjenza tagħhom u jiżdiedu r-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom (11).

3.2.

Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva dwar l-awtonomizzazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza bħala difensuri tad-drittijiet tal-vittmi tad-diskriminazzjoni, u jqisha bħala kontribut indispensabbli għall-ħidma usa’ tal-Kummissjoni Ewropea biex timxi lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza, li hija ffukata fuq il-promozzjoni tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE.

3.3.

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-enfasi espliċita taż-żewġ proposti fuq il-promozzjoni u l-prevenzjoni bħala rikonoxximent f’waqtu tal-ħtieġa ta’ politiki, azzjonijiet u standards minimi li jindirizzaw id-diskriminazzjoni strutturali u l-isterjotipi li spiss ikunu għadhom preżenti fis-soċjetà tagħna, u li tiġi promossa uniformità akbar bejn l-Istati Membri filwaqt li jiġu rispettati l-istrutturi u l-approċċi eżistenti u li jaħdmu fil-livell nazzjonali.

3.4.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn li jiġu stabbiliti standards għall-korpi tal-ugwaljanza u s-sussidjarjetà fid-Direttivi proposti, filwaqt li jiġi żgurat li l-objettiv globali tad-Direttivi — jiġifieri li jiżdiedu s-saħħa, l-indipendenza u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza — jibqa’ prijorità.

3.5.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex kull persuna tgħix, tirnexxi u tassumi rwoli ta’ gwida irrispettivament mid-differenzi, jeħtieġ li l-korpi tal-ugwaljanza eżistenti jiġu responsabilizzati, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jkunu ppreparati aħjar biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni u jassistu lill-vittmi tad-diskriminazzjoni.

3.6.

Il-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza hija kruċjali biex jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-UE. Billi tippromovi b’mod attiv il-korpi tal-ugwaljanza, l-UE qed tiżgura l-appoġġ lil kwalunkwe ċittadin tal-UE li qed jiġi diskriminat u qed tiżgura d-dritt tagħhom għall-appoġġ u għar-rappreżentazzjoni.

3.7.

Il-KESE jfakkar fil-punt 2.10 tal-Opinjoni tal-KESE bit-titolu “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE” (12): “Il-KESE jemmen li l-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu integrati f’viżjoni soċjali usa’, li timmultiplika u ssaħħaħ l-għodod li bihom l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jimmaterjalizzaw l-appoġġ għall-individwi u l-atturi pubbliċi u privati”.

3.8.

Azzjoni fil-livell tal-UE li tkun konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, u konsistenti mal-politiki l-oħra tal-Unjoni, hija meħtieġa f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni Ewropea tiddikjara li din l-inizjattiva tirrevedi l-leġiżlazzjoni diġà eżistenti biex iżżid l-effettività tagħha, tistabbilixxi standards minimi u tinvolvi lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    It-tisħiħ tal-kompetenzi tal-korpi tal-ugwaljanza

4.1.1.

Minħabba l-istaġnar fit-tul biex tiġi adottata l-hekk imsejħa Direttiva Orizzontali, u abbażi ta’ approċċ iċċentrat fuq il-vittmi fejn id-dewmien tal-ġustizzja jissarraf f’inġustizzja, il-KESE jemmen li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni kif imiss tal-forom intersezzjonali u multipli ta’ diskriminazzjoni jkun opportunità mitlufa. Ċerti forom ta’ diskriminazzjoni ma jistgħux jiġu indirizzati billi r-raġunijiet diskriminatorji jitqiesu b’mod iżolat, u, għaldaqstant, jeħtieġu approċċ intersezzjonali.

4.1.2.

Għalkemm għadd ta’ Direttivi eżistenti jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu korpi nazzjonali tal-ugwaljanza, ir-regoli attwali tal-UE jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’termini ta’ stabbiliment u operazzjoni, u hemm differenzi sinifikanti fost il-korpi tal-ugwaljanza fir-rigward tas-setgħat, l-indipendenza, ir-riżorsi, l-aċċessibbiltà u l-effettività. L-inizjattiva l-ġdida li tintroduċi standards minimi għall-korpi tal-ugwaljanza hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea għal tranżizzjoni lejn Unjoni tal-Ugwaljanza u biex issaħħaħ l-effettività tal-liġi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni.

4.1.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li testendi l-mandat tal-korpi tal-ugwaljanza biex ikopri d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, sabiex il-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu jipprovdu protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-istat, trid tkun mingħajr preġudizzju għar-rwol u s-setgħat tal-imsieħba soċjali u għandha sservi biex issaħħaħ u tappoġġja l-ħidma tagħhom.

4.1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi ċ-ċentralità u jappoġġja l-introduzzjoni tar-rekwiżit legali propost għall-korpi tal-ugwaljanza li jkunu ħielsa minn influwenza esterna u li jiġi żgurat li jingħataw riżorsi umani, professjonali, tekniċi u finanzjarji sostenibbli u suffiċjenti.

4.1.5.

Il-KESE jfaħħar is-salvagwardji b’saħħithom proposti għall-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza, li hija kruċjali għall-kapaċità tagħhom li jipprovdu appoġġ suffiċjenti liċ-ċittadini.

4.1.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza partikolari ta’ salvagwardji għad-disponibbiltà u l-adegwatezza tar-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji pprovduti lill-korpi tal-ugwaljanza. Ir-riżorsi huma prerekwiżit, kemm għall-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jipproteġu b’mod effettiv lill-vittmi u jipprevjenu d-diskriminazzjoni.

4.1.7.

Parti mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija rekwiżit għall-istituzzjonijiet pubbliċi biex jikkonsultaw lill-korpi tal-ugwaljanza fil-ħin, u biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jirrapportaw dwar x’azzjoni jkunu ħadu fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-korpi tal-ugwaljanza, kif ukoll ir-riżultati ta’ dawn l-azzjonijiet.

4.1.8.

Il-proposta tipprevedi wkoll li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi indikaturi komuni biex tiġi mkejla u żgurata l-komparabbiltà tad-data miġbura fil-livell nazzjonali, u toħroġ rapport dwar il-korpi tal-ugwaljanza madwar l-UE kull ħames snin. Il-KESE huwa favur li jkun hemm perjodu ta’ żmien iqsar għal dan l-eżerċizzju, u għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tnaqqas il-perjodu ta’ rapportar għal tliet snin.

4.1.9.

L-importanza tal-monitoraġġ qatt ma tistax tiġi enfasizzata żżejjed. Dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu verament effettivi u kapaċi jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-vittmi tad-diskriminazzjoni. Il-KESE jemmen li jekk il-mekkaniżmu ta’ sorveljanza jkun f’idejn il-Kummissjoni Ewropea dan jiżgura livell għoli ta’ enfasi fuq il-monitoraġġ.

4.1.10.

Il-KESE jemmen ukoll li l-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi b’mod attiv l-aċċess ġenerali tal-vittmi kollha għar-riżorsi u l-assistenza tal-korpi tal-ugwaljanza. Dan jista’ jsir permezz ta’ sorveljanza effettiva, promozzjoni adegwata tal-korpi tal-ugwaljanza li joperaw fil-livell lokali u djalogu mal-Istati Membri. L-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali fid-djalogu tista’ ġġib valur miżjud importanti u aktar sorveljanza effettiva.

4.1.11.

Il-KESE jkompli jappella għal aktar kooperazzjoni u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jwettqu ħidma tal-ewwel linja, speċjalment f’komunitajiet emarġinati u vulnerabbli, kif deskritt fil-ħidma preċedenti tiegħu (13).

4.1.12.

Ifakkar li “l-intersezzjoni tar-razza, l-oriġini etnika, il-klassi soċjali, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, is-sess, id-diżabilità, l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ migrant, eċċ. għandha effett multiplikatur li jżid id-diskriminazzjoni” (14), għalhekk, il-KESE jemmen li huwa importanti li jkompli jkun hemm programmi ta’ skambju tal-għarfien u ta’ promozzjoni tat-tagħlim fil-livelli kollha, inkluż billi jiġi żgurat approċċ intersezzjonali għall-ħidma.

4.1.13.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttivi fihom dispożizzjonijiet għal korpi b’diversi mandati biex jiggarantixxu r-riżorsi u l-viżibbiltà meħtieġa għall-funzjoni tal-ugwaljanza. Madankollu, it-tifsira ta’ “eżerċizzju awtonomu tal-mandat tal-ugwaljanza” ser ikollha tiġi definita u interpretata aktar – filwaqt li jiġi żgurat ukoll li ma tirrikjedix separazzjoni ermetika bejn il-mandati differenti f’każijiet fejn dawn jistgħu jintużaw biex isaħħu u jikkomplementaw lil xulxin. L-introduzzjoni ta’ “firewall” strutturali fil-korpi tal-ugwaljanza b’dipartimenti ddedikati differenti tista’ tkun kontroproduttiva fir-rigward tal-kisba ta’ korpi tal-ugwaljanza b’saħħithom.

4.2.    L-aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-vittmi tad-diskriminazzjoni

4.2.1.

Parti mill-proposti hija li jiġi żgurat li l-korpi tal-ugwaljanza jissaħħu f’każijiet ta’ diskriminazzjoni u li s-servizzi tal-korpi tal-ugwaljanza jkunu ħielsa u aċċessibbli għall-vittmi kollha, fuq bażi ugwali.

4.2.2.

Il-KESE jemmen li l-assistenza pprovduta mill-korpi tal-ugwaljanza hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-vittmi tad-diskriminazzjoni ma jkunux limitati għal rikors individwali għal rimedju ġudizzjarju u l-liġi, iżda li dawn il-kompetenzi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju u komplementari għar-rappreżentanza kollettiva u s-setgħat ta’ litigazzjoni tal-imsieħba soċjali. Il-KESE japprezza wkoll il-kjarifika tal-fatt li l-aċċessibbiltà għal kulħadd teħtieġ ukoll enfasi fuq ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, u jenfasizza li l-aċċessibbiltà tista’ tkun ukoll kwistjoni ta’ aċċess għal servizzi ta’ konsulenza, pereżempju, f’każ li persuna tkun tgħix f’post remot jew jekk ikollha diffikultajiet biex taċċessa r-riżorsi online. L-assistenza tal-korpi tal-ugwaljanza hija prerekwiżit biex jiġu indirizzati d-dimensjonijiet strutturali, intersezzjonali u sistemiċi tal-inugwaljanzi.

4.2.3.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kapaċità tal-korpi tal-ugwaljanza li jaġixxu kemm fuq l-ilmenti tal-vittmi kif ukoll li jqajmu kwistjonijiet fuq livell aktar ġenerali, fuq inizjattiva tagħhom stess jew wara djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew l-imsieħba soċjali rilevanti. Il-biża’ mill-konsegwenzi, inkluż it-telf tal-għajxien, tista’ tagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jippreżentaw ruħhom. In-nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet u kif għandhom jiġu infurzati jista’ wkoll ikun ta’ xkiel.

4.2.4.

Huwa importanti ħafna li titqies id-diversità konsiderevoli tal-Istati Membri f’termini tan-numru, l-istruttura u l-modus operandi tal-korpi tal-ugwaljanza, u li jiġu rispettati l-oqfsa u l-prattiki legali nazzjonali, filwaqt li jkun hemm salvagwardji kontra t-tnaqqis tal-istandards eżistenti għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, inkluż billi s-setgħat attwali tal-korpi tal-ugwaljanza jiddgħajfu taħt leġiżlazzjoni nazzjonali differenti. Barra minn hekk, hemm ukoll differenzi f’termini ta’ kif l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fil-proċess, u dan għandu jiġi kkunsidrat (15).

4.2.5.

Il-KESE jemmen li d-dritt tal-korpi tal-ugwaljanza li jipparteċipaw fi proċedimenti legali, li diġà jeżisti f’għadd ta’ Stati Membri, huwa essenzjali biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-prinċipji tat-trattament ugwali, speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn il-vittmi ma jkollhomx aċċess għall-ġustizzja, minħabba ostakli proċedurali jew finanzjarji, u meta l-vittmi ma jkunux jistgħu jikkuntattjaw lill-imsieħba soċjali. Il-KESE jenfasizza wkoll li, f’konformità mad-Direttivi eżistenti dwar l-ugwaljanza, is-setgħat ta’ litigazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza għandhom ikunu mingħajr preġudizzju u komplementari għall-kompetenzi rilevanti u l-pożizzjoni legali tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f’konformità mal-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom (16). F’dan ir-rigward, huwa importanti ħafna li l-korpi tal-ugwaljanza jikkooperaw fil-livell nazzjonali mal-qrati, ma’ tribunali amministrattivi speċjalizzati bħat-tribunali industrijali, u mal-imsieħba soċjali.

4.2.6.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-issodisfar tal-obbligi tal-oneru tal-provi skont id-Direttivi eżistenti dwar it-trattament ugwali jirrikjedi aċċess għall-evidenza għall-partijiet kollha b’interess leġittimu li jressqu proċedimenti f’isem jew b’appoġġ għall-vittmi tad-diskriminazzjoni, bħall-imsieħba soċjali, il-korpi tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-eżerċitar tas-setgħat investigattivi f’dan il-kuntest irid ikun mingħajr preġudizzju għas-setgħat u l-indipendenza tal-investigazzjonijiet mill-qrati, mit-tribunali u minn korpi pubbliċi oħra ta’ monitoraġġ bħall-ispettorati tax-xogħol.

4.2.7.

Il-KESE jemmen li dawn iż-żewġ proposti għandhom jiffukaw aktar fuq approċċ iċċentrat fuq l-individwu għall-vittmi ta’ vjolenza jew diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, għandha tingħata protezzjoni adegwata għall-ilmentaturi, sabiex jiġi evitat is-silenzju minħabba l-biża’ ta’ riperkussjonijiet. Għandu jiġi garantit kumpens proporzjonat u adegwat għar-reat imġarrab mill-vittma, u għandhom jiġu żgurati pieni għat-trasgressuri. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-vittma, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78/KE (17).

4.3.    Sensibilizzazzjoni

4.3.1.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni u jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri u l-korpi tal-ugwaljanza jżidu l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni, inkluż billi jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili organizzata biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni u toħloq l-ugwaljanza. Il-KESE jipproponi li kampanji ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-UE u r-rispett tad-diversitajiet żviluppati u ffinanzjati mill-Kummissjoni jitwettqu minn korpi nazzjonali tal-ugwaljanza flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali, u jkunu adattati għall-ħtiġijiet lokali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aktar gruppi vulnerabbli u jeħtieġ li jiġu ppjanati kampanji speċjali indirizzati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ fl-iskola, minn età bikrija.

4.3.2.

Il-KESE jħeġġeġ li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu inklużi fit-tħejjija, l-eżekuzzjoni u t-tixrid ta’ dawn il-kampanji ta’ informazzjoni. L-għarfien tal-organizzazzjonijiet rilevanti se jkompli jżid il-firxa u l-effettività tal-kampanji, u jista’ jagħti vuċi lill-aktar gruppi vulnerabbli.

4.4.    Il-ġbir ta’ data

4.4.1.

Il-korpi tal-ugwaljanza għandhom rwol importanti fil-ġbir tad-data, li jmur lil hinn mill-ġbir ta’ data dwar il-ħidma tagħhom stess. Id-Direttivi jirrikonoxxu dan u, fost oħrajn, jagħtu setgħat lill-korpi tal-ugwaljanza biex jaċċessaw l-istatistika miġbura minn entitajiet pubbliċi u privati, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, it-trade unions, il-kumpaniji, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Din l-informazzjoni statistika ma għandu jkun fiha l-ebda data personali u l-ġbir tagħha jrid jillimita kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv jew finanzjarju addizzjonali fuq l-entitajiet referenzjarji. Il-korpi tal-ugwaljanza se jkunu meħtieġa wkoll iħejju rapporti annwali tal-attività u rapporti regolari dwar is-sitwazzjoni tat-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni fil-pajjiż tagħhom. Għalkemm dawn huma setgħat importanti u estensivi li jistgħu jintużaw tajjeb ħafna, huma jirrikjedu wkoll għadd kbir ta’ riżorsi. Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw riżorsi addizzjonali adegwati biex jeżerċitaw dawn is-setgħat.

4.4.2.

Sabiex tiġi żgurata enfasi regolari fuq l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni eżistenti, il-KESE jappella għall-ġbir u l-analiżi regolari ta’ data diżaggregata għall-monitoraġġ tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali.

4.4.3.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ riċerka regolari dwar l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni, u l-ħtieġa għal kooperazzjoni b’saħħitha bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, il-korpi tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fi kwistjonijiet relatati mal-post tax-xogħol fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni u l-iżvilupp tal-aġenda politika.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, Artikolu 17 Is-Sanzjonijiet (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(2)  Equinet.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat- 13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(5)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(6)  ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.

(7)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (ĠU L 167, 4.7.2018, p. 28).

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (ĠU L 167, 4.7.2018, p. 28).

(9)  COM(2022) 688 final u COM(2022) 689 final.

(10)  Ara b’mod partikolari l-Opinjonijiet dwar is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità (SOC/579): (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20), is-sitwazzjoni ta’ nisa Rom (SOC/585): (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 20), l-aġenda għal drittijiet tal-persuni b’diżabilità (SOC/616): (ĠU C 97, 24.3.2020, p. 41), il-ġestjoni tad-diversità fl-Istati Membri tal-UE (SOC/642): (ĠU C 10, 11.1.2021, p. 7), l-istrateġija dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ għall-2020-2025 (SOC/667): (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 128), il-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027 (SOC/668): (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 134), l-istrateġija dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (SOC/680): (ĠU C 374, 16.9.2021, p. 50) u Il-qafas strateġiku ġdid tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni wara l-2020 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE” (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 56).

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE” (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 56).

(13)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50.

(14)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 20.

(15)  Kwistjonijiet relatati mal-locus standi tal-partijiet kollha b’interess leġittimu li jinvolvu ruħhom fi proċedimenti ta’ nondiskriminazzjoni skont id-Direttivi tal-UE dwar l-Ugwaljanza, bħat-trade unions, l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, il-korpi tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, huma regolati mid-Direttivi eżistenti tal-UE dwar l-Ugwaljanza u, b’mod aktar speċifiku, mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (id-Direttiva 2000/78/KE) u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva Riformulata dwar il-Ġeneru (id-Direttiva 2006/54/KE).

(16)  Il-premessa 34 tal-Proposa għal Direttiva COM(2022) 688 final u l-premessa 35 tal-Proposta għal Direttiva COM(2022) 689 final, li jgħidu li d-dispożizzjonijiet proposti dwar il-locus standi huma mingħajr preġudizzju għar-rwol, is-setgħat u l-kompiti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-parteċipazzjoni fi proċedimenti li jinfurzaw l-obbligi skont il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni.

(17)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi”

(COM(2022) 581 final)

(2023/C 184/14)

Relatur:

Ozlem YILDIRIM

Korelatur:

Cillian LOHAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

152/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi fih ħafna elementi tajbin li jagħmluh suċċess. L-erba’ prijoritajiet u l-objettivi tagħhom huma mfassla tajjeb u huma titjib fuq il-verżjoni preċedenti. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar ir-riżorsi li se jiġu allokati biex il-pjan jiġi implimentat fil-livell nazzjonali u jekk humiex biżżejjed jew le, peress li l-insuffiċjenza tista’ twassal għall-falliment tal-pjan, kif kien il-każ tal-pjan preċedenti.

1.2

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha biex tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex trażżan it-traffikar tal-orġaniżmi selvaġġi billi tintegra l-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi fil-fondi tal-UE billi tindirizza: (i) is-sigurtà u l-kriminalità organizzata; (ii) l-ambjent; u (iii) il-kooperazzjoni/is-sħubijiet internazzjonali. B’mod partikolari, dan għandu jkun prijorità taħt: EMPACT; il-Fond għas-Sigurtà Interna; il-programm LIFE; il-programm Interreg; u l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

1.3

Madankollu, huwa importanti li jintlaħaq qbil dwar perċentwal minn dawn il-fondi li għandu jkun iddedikat kompletament għat-trażżin tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi sabiex jgħin fir-responsabbiltà għall-pjan ta’ azzjoni. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu biżżejjed fondi biex iħarrġu persunal speċjalizzat fil-pajjiżi tagħhom sabiex jiġġieldu t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Il-fondi allokati għandhom jiġu rrappurtati, immonitorjati, u evalwati bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fil-livell nazzjonali. Ir-riżorsi għandhom jinkludu tagħmir kif ukoll persunal. Barra minn hekk, il-persunal għandu jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja, li jinkludu drittijiet sħaħ ta’ negozjar kollettiv u bi struttura ta’ karriera progressiva. Dan huwa essenzjali biex jiġu attirati l-aħjar nies u jinżammu livelli għoljin ta’ motivazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet b’rabta mas-saħħa, il-benesseri u s-sikurezza personali.

1.4

L-indirizzar tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi għandu jiġi integrat fl-oqsma ta’ politika kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Għandu jkun hemm livell omoġenju u minimu ta’ taħriġ għall-atturi kollha involuti fil-prevenzjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, u l-bini tal-kapaċità adattat skont il-ħiliet meħtieġa fl-oqsma differenti fejn it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa integrat. Unitajiet jew persunal speċjalizzati għandhom jiġu mħarrġa fost il-prosekuturi, l-imħallfin, l-uffiċjali tad-dwana, l-awtoritajiet nazzjonali tas-CITES u l-awtoritajiet tal-pulizija. Huma għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw, jarrestaw, jipproċedu u jiġġudikaw lil dawk involuti f’reati b’rabta mal-organiżmi selvaġġi.

1.5

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll strutturi omoġenji fl-Istati Membri kollha, li l-KESE jirrakkomanda li jieħdu l-forma ta’ kumitati interaġenzjali u unitajiet speċjalizzati jew persunal imħarreġ biex jiġi miġġieled it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Dawn il-kumitati interaġenzjali jkunu jinkludu rappreżentanti ta’ unitajiet speċjalizzati fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Il-kumitati interaġenzjali jkunu partikolarment utli biex jikkonsultaw u jorganizzaw investigazzjonijiet konġunti fi ħdan l-Istati Membri ma’ aġenziji oħra li jiffukaw fuq attivitajiet illegali oħra, bħar-reati finanzjarji u ċ-ċiberkriminalità. Dawn normalment ikunu konnessi mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, peress li l-kriminali organizzati normalment jużaw il-kanali tagħhom għal tipi oħra ta’ kriminalità (bħat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus) biex jittraffikaw prodotti ta’ organiżmi selvaġġi. Għandhom jiġu stabbiliti kanali ddedikati għall-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili.

1.6

L-inklużjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-kumpaniji li jinnegozjaw fl-UE – permezz ta’ direttiva ambizzjuża dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva – tista’ tinċentiva lill-kumpaniji biex l-ewwel nett jinnegozjaw organiżmi selvaġġi li jinqabdu b’mod sostenibbli u tiskoraġġihom milli jidħlu f’attivitajiet illegali, u tgħin lill-aġenziji tal-infurzar jidentifikaw il-kriminali.

1.7

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jkun hemm involviment mas-setturi tan-negozju involuti fil-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi biex titnaqqas id-domanda tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u biex titnaqqas l-importazzjoni illegali tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi. Il-pjan jipprevedi sessjonijiet tematiċi mal-Grupp ta’ Infurzar tal-Kummerċ fl-Organiżmi Selvaġġi tal-UE għar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi (eż. il-mediċina tradizzjonali, annimali domestiċi eżotiċi, l-industrija tal-lussu, it-turiżmu tal-kaċċa, l-injam, l-industriji tas-sajd u tal-prodotti tal-ħut, it-trasport, il-kumpaniji tal-kurrieri u l-kummerċ online). Madankollu, il-kampanji ta’ informazzjoni kkoordinati għall-pubbliku ġenerali (immirati speċifikament lejn it-tnaqqis tad-domanda) għandhom ikunu fattur ewlieni tal-istrateġija. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol ukoll fit-tnaqqis tad-domanda billi jissensibilizzaw u jwettqu kampanji għat-tnaqqis tad-domanda mmirati lejn komunitajiet li jikkunsmaw prodotti illegali ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE.

1.8

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-korpi tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u supranazzjonali sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kummerċ fi speċijiet fil-periklu bħala parti mill-komunikazzjoni tagħhom dwar il-kriminalità organizzata, kemm fl-għodod ta’ komunikazzjoni permanenti tagħhom kif ukoll permezz ta’ kampanji mmirati temporanji.

1.9

Fl-aħħar nett, huwa ta’ importanza kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi mekkaniżmu ċar u ambizzjuż ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex issegwi l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, u biex tkejjel il-progress u s-suċċess tiegħu, filwaqt li tqis l-azzjoni esterna tal-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi (f’konformità mal-Prijorità 4).

2.   Sfond

2.1

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi sar wieħed mill-aktar attivitajiet kriminali organizzati li jħallu qligħ fid-dinja, li l-Kummissjoni Ewropea tistma li jiswa sa EUR 20 biljun fis-sena (1) globalment. Madwar id-dinja, il-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi kiber b’mod esponenzjali f’dawn l-aħħar snin minħabba li huwa meqjus bħala attività b’riskju baxx u b’ritorn għoli.

2.2

Minkejja l-qafas legali komprensiv tagħha għall-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi, l-Unjoni Ewropea hija suq finali importanti u pjattaforma ta’ tranżitu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi. Is-sinifikat tal-UE bħala suq għall-prodotti illegali tal-organiżmi selvaġġi huwa spjegat fid-dettall fir-rapporti annwali ta’ sekwestri kbar, li l-Kummissjoni Ewropea ilha titlob kull sena mill-2011.

2.3

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-UE hija suq ewlieni għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi, il-Kummissjoni Ewropea għamlet sforzi bla preċedent għas-sensibilizzazzjoni fost in-negozji, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali dwar il-karatteristiċi u l-iskala tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-Ewropa. B’riżultat ta’ dan, fi Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi (2), li jistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni komprensiv għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE, u għat-tisħiħ tar-rwol tal-UE fil-ġlieda globali kontra dawn l-attivitajiet illegali. Minkejja li t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi ġie inkluż b’suċċess fost il-kwistjonijiet ta’ prijorità, il-pjan ta’ azzjoni ftit li xejn kellu impatt fuq it-tnaqqis tad-domanda. L-organizzazzjoni TRAFFIC (3) ħaret rapport (4) li jiġbor id-data tas-sekwestri kollha li waqgħu taħt il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ fl-Ispeċijiet fil-Periklu (CITES) għall-2018, li juri li d-domanda fl-UE għall-ispeċijiet ta’ organiżmi selvaġġi ma nbidlitx minn meta nġabret l-ewwel data fl-2011.

2.4

L-aktar rapport reċenti minn TRAFFIC dwar is-sekwestri fl-2020 (5) jirrifletti l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Inqas kummerċ ikkawżat minn tfixkil assoċjat mal-COVID-19 fit-trasport bl-ajru, l-operazzjonijiet kummerċjali, u interfaċċi oħra għat-trasport jew il-bejgħ ta’ oġġetti x’aktarx li kien fattur li kkontribwixxa għat-tnaqqis fis-sekwestri rrapportati. Ġie osservat tnaqqis sinifikanti fl-interċettazzjonijiet fl-UE fl-2020, għalkemm dan mhux neċessarjament jindika bidliet fid-domanda jew bidliet fid-dinamika tal-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi.

2.5

Minbarra li hija suq tal-importazzjoni, l-UE hija wkoll reġjun sors għal xi speċijiet fil-periklu, bħas-sallura Ewropea (Anguilla anguilla). Mill-2016 sal-2017, 48 persuna ġew arrestati u ġew sekwestrati 4 000 kg ta’ sallur żgħir ħaj, b’valur ta’ madwar EUR 4 miljun. Barra minn hekk, mhux l-organiżmi selvaġġi illeċiti kollha li jidħlu fl-Ewropa huma destinati għas-swieq Ewropej, fejn l-UE spiss taġixxi bħala punt ta’ waqfien. Il-korpi tal-infurzar spiss jaqbdu l-pangolini, iż-żwiemel il-baħar, l-avorju u l-pinen tal-klieb il-baħar destinati għall-Asja mill-Afrika.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-UE jeħtiġilha tibqa’ viġilanti u żżid l-isforzi tagħha biex twaqqaf u treġġa’ lura t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Dan il-kummerċ li jħalli qligħ mhux biss huwa riskju għas-saħħa tal-bniedem minħabba r-riskju tat-trażmissjoni tal-mard żoonotiku, iżda jikkomprometti wkoll direttament il-politiki tal-UE li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli fid-dinja kollha, b’mod partikolari l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli b’rabta mal-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi globali (6), kif ukoll l-isforzi biex tissaħħaħ il-governanza tajba biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi.

3.2

It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi llum mhux biss qed iwassal lil ħafna speċijiet (inklużi xi speċijiet ikoniċi) f’x-xifer l-estinzjoni, iżda qed ixekkel ukoll l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli (7). Fil-qosor, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi jeħtieġ li jiġi implimentat sew biex jintlaħqu l-ftehimiet ambjentali internazzjonali tal-UE, speċjalment il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB). Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tmur lil hinn minn dawn il-ftehimiet internazzjonali sabiex ittejjeb il-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u trażżan it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, li l-benefiċċji tagħhom ma jkunux jidhru biss fl-UE iżda wkoll fid-dinja kollha. It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa wieħed mill-muturi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità, li, minbarra li qed iwassal għall-estinzjoni ta’ ħafna speċijiet, qed jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima billi jinstiga l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, li huma imperattiv għall-ħżin tal-karbonju.

3.3

Daqstant importanti huwa l-fatt li jeħtieġ li nwaqqfu l-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-konsegwenzi fatali tagħha. Skont ir-rapport tal-UNEP-Interpol, il-kriminalità ambjentali żdiedet b’26 % (8). Din tinkludi t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u hija theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istat tad-dritt, u ħafna drabi hija assoċjata ma’ reati serji oħra bħall-korruzzjoni, iċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità finanzjarja. F’xi reġjuni Afrikani, pereżempju, it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jhedded is-sigurtà nazzjonali. Hawnhekk iridu jissemmew ukoll il-qtil u l-assassinju, peress li l-persuni inkarigati mill-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu jiffaċċjaw theddida reali għal ħajjithom u jħallsu prezz qares għall-impenn tagħhom. Il-Fondazzjoni Thin Green Line sabet li bejn l-2009 u l-2016 kien hemm 595 gwardjan irrappurtati mejta li nqatlu mill-kaċċaturi. Ma’ dawn jiżdiedu l-mijiet ta’ gwardjani oħra anonimi maqtulin f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ma ġewx irrappurtati. Fl-2017, aktar minn 100 gwardjan ġew irrappurtati maqtula, u l-istess jista’ jingħad għall-2018, bi kważi żewġ imwiet fil-ġimgħa (9).

3.4

Il-KESE jilqa’ r-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi, u d-deċiżjoni li t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jinġieb fil-qalba tal-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-Pjan ta’ Azzjoni preċedenti tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi li turi li n-nuqqas ta’ persunal speċjalizzat, riżorsi u taħriġ f’ħafna mill-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE jibqa’ kwistjoni ewlenija. Hemm ukoll ħtieġa importanti għat-titjib tal-kooperazzjoni: (i) fi ħdan l-Istati Membri; (ii) fost l-Istati Membri; (iii) bejn l-UE u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE; u (iv) mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, għandu jsir aktar biex jiġu żgurati t-traċċabbiltà diġitali u l-kooperazzjoni diġitali fost l-aġenziji.

3.5

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea rabtet ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi. Madankollu, jinsab imħasseb li d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali mhux se tkun kapaċi tipprovdi sanzjonijiet effettivi u dissważivi għat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Fid-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-fajl, u naqqas b’mod sinifikanti l-penali għall-persuni fiżiċi, u naqqas ukoll l-ambizzjonijiet biex jiġu armonizzati s-sanzjonijiet għall-persuni ġuridiċi. Il-livelli proposti mill-Kunsill huma baxxi wisq biex ikunu dissważivi u effettivi. Il-limiti massimi tal-multi ma għandhomx ikunu inqas minn 15 % tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika – ferm ogħla mill-5 % jew mit-3 % li ġew adottati mill-Kunsill. Aħna nemmnu li Direttiva ambizzjuża dwar ir-Reati Ambjentali hija essenzjali biex jinkiseb Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi li jirnexxi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jagħmel referenza espliċita għall-informaturi u difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali bħala partijiet ikkonċernati rilevanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, peress li dawn jaqdu rwol ewlieni biex jesponu u jipprevjenu ksur tal-liġi ambjentali. Dawn il-persuni għandhom jiġu protetti wkoll mill-intimidazzjoni jew il-litigazzjoni meta jirrapportaw it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jew jassistu l-investigazzjonijiet, kif issa ġie ddikjarat fid-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali.

4.2

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jkun hemm involviment mas-setturi tan-negozju involuti fil-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi biex titnaqqas id-domanda tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi fl-UE u biex jitnaqqas il-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi, u jiġi żgurat li kwalunkwe kummerċ fl-organiżmi selvaġġi jkun legali u sostenibbli. Il-pjan jipprevedi sessjonijiet tematiċi mal-Grupp ta’ Infurzar tal-Kummerċ fl-Organiżmi Selvaġġi tal-UE għar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi (eż. il-mediċina tradizzjonali, annimali domestiċi eżotiċi, l-industrija tal-lussu, it-turiżmu tal-kaċċa, l-injam, l-industriji tas-sajd u tal-prodotti tal-ħut, it-trasport, il-kumpaniji tal-kurrieri u l-kummerċ online). Madankollu, ir-rwol li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu biex jappoġġjaw l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi għandu jiġi rikonoxxut aħjar u rifless fil-pjan ta’ azzjoni u permezz tal-implimentazzjoni tiegħu (eż. is-sensibilizzazzjoni u t-twettiq ta’ kampanji ta’ bidla fl-imġiba). L-informazzjoni pprovduta mill-UE liċ-ċittadini tagħha dwar ir-regoli, ir-riskji u l-konsegwenzi tal-kummerċ u l-użu ta’ prodotti ta’ organiżmi selvaġġi mhijiex mifruxa b’mod wiesa’, iżda l-informazzjoni dwar il-prattiki u l-użu tal-mediċina tradizzjonali (li tinvolvi l-użu ta’ partijiet u derivati minn fawna u flora selvaġġi għall-kura) hija mifruxa ħafna fl-UE kollha. Din il-prattika ġġorr riskji għall-utenti (peress li xi kuri ma għandhomx benefiċċji ppruvati xjentifikament) u konsegwenzi fatali għall-ispeċijiet selvaġġi maqbudin u nnegozjati (fatt li jaċċellera l-estinzjoni tagħhom). Permezz ta’ aktar sforzi ta’ prevenzjoni dwar dan is-suġġett speċifiku, l-UE tista’ tnaqqas sa 30 % tal-prodotti tal-organiżmi selvaġġi traffikati kull sena, peress li dan in-numru jikkorrispondi għar-rata ta’ prodotti ta’ organiżmi selvaġġi kkonfiskati maħsubin għall-użu mediċinali fl-UE (10). F’dan is-sens, il-KESE u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jistgħu jkunu involuti wkoll fl-iżvilupp ta’ kampanji pubbliċi biex issir sensibilizzazzjoni dwar il-problema.

4.3

Meta jiġu assenjati responsabbiltajiet ċari għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet fil-livell nazzjonali u tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-atturi rilevanti, il-KESE jirrakkomanda l-omoġeneità fl-Istati Membri kollha. Li jingħataw għażliet bħal dawk riflessi fil-Pjan biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni (pereżempju: (i) permezz tal-ħolqien ta’ kumitati interaġenzjali jew memoranda ta’ qbil; (ii) permezz tal-adozzjoni ta’ pjani nazzjonali ta’ azzjoni; jew (iii) permezz tal-ħatra ta’ punt fokali nazzjonali) se jwassal għal inċertezza, peress li l-Istati Membri se jagħżlu għażliet differenti. L-iżvilupp ta’ kumitati intraġenzjali fil-livell nazzjonali, b’punt fokali maħtur għal kull wieħed se jgħin fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

4.4

Huwa kruċjali li dawn il-kumitati interaġenzjali u l-persunal jew l-unitajiet speċjalizzati jitħarrġu b’mod omoġenju fis-27 Stat Membru kollha. Dan jiffaċilita l-kooperazzjoni fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom minħabba li l-persunal jirreaġixxi, jinvestiga, u jħarrek bl-istess mod. Il-fatt li kull interaġenzija jkollha punt fokali jtejjeb ukoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi barra mill-UE. Li jkun hemm punt fokali jtejjeb il-kooperazzjoni minħabba li jagħmilha aktar faċli u aktar rapidu għall-kumitati interaġenzjali u l-persunal speċjalizzat fl-Istati Membri biex jikkuntattjaw lil xulxin, speċjalment f’każ ta’ ħtieġa urġenti minħabba t-traffikar transfruntier. Il-punti fokali jistgħu jagħmlu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri aktar aġli, mingħajr ma jiddependu minn korpi internazzjonali bħall-Europol għal każijiet aktar lokalizzati li jaffettwaw żewġ pajjiżi. Madankollu, dawn il-gruppi jistgħu jkunu f’riskju u jsiru miri ta’ kriminali organizzati. Informazzjoni dettaljata dwar il-punti fokali għandha tkun ristretta għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u għall-isferi tal-awtorità ġudizzjarja sabiex jiġu protetti l-identitajiet tal-persunal.

4.5

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi, l-Istati Membri tal-UE rrapportaw li minħabba nuqqas ta’ riżorsi u persunal kien diffiċli għalihom li jinfurzaw l-operazzjonijiet. Għalhekk għal darb’oħra l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jiddedikaw riżorsi suffiċjenti biex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, ir-riżorsi huma importanti biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persunal.

4.6

It-test għandu jiddikjara b’mod espliċitu li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jipprovdu biżżejjed fondi biex jiżviluppaw persunal speċjalizzat fil-pajjiżi tagħhom bil-għan li jiġġieldu t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Il-fondi allokati għandhom jiġu rrappurtati, immonitorjati, u evalwati bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fil-livell nazzjonali. Ir-riżorsi għandhom jinkludu mhux biss il-persunal iżda wkoll it-tagħmir. Barra minn hekk, il-persunal għandu jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja, li jinkludu drittijiet sħaħ ta’ negozjar kollettiv u bi struttura ta’ karriera progressiva. Dan huwa essenzjali biex jiġu attirati l-aħjar nies u jinżammu livelli għoljin ta’ motivazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet b’rabta mas-saħħa, il-benesseri u s-sikurezza personali. Għandu jkun hemm taħriġ omoġenju għall-atturi kollha involuti fil-prevenzjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, u strutturi omoġenji stabbiliti fl-Istati Membri kollha, li l-KESE jirrakkomanda li jieħdu l-forma ta’ kumitati interaġenzjali u unitajiet speċjalizzati jew persunal li kapaċi jiġġieled it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi.

4.7

Il-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza r-rwol ta’ aġenziji u inizjattivi internazzjonali differenti bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), li hija strument ewlieni għall-kooperazzjoni operazzjonali multidixxiplinari u b’diversi aġenziji għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-livell tal-UE. EMPACT tista’ tkun strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi. Pereżempju, tista’ torganizza taħriġ għall-kumitati interaġenzjali u l-persunal speċjalizzat fl-Istati Membri kollha b’mod omoġenju.

4.8

Il-prevenzjoni ta’ attivitajiet ta’ kaċċa illegali, speċjalment għat-trofej, għandha tkun koperta mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi. Fil-Karpazji, pereżempju, l-orsijiet jiġu kkaċċjati illegalment, madankollu, il-kaċċaturi jirċievu penali baxxi li mhumiex deterrenti biżżejjed.

4.9

Il-KESE jaqbel mas-suġġeriment li l-EMPACT tikkoordina operazzjonijiet konġunti regolari li jinvolvu kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea (OLAF), u aġenziji rilevanti tal-UE bħal Eurojust, Frontex, Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd. Għal darb’oħra, sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva, l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi fil-livell nazzjonali hija essenzjali.

4.10

Fir-rigward tal-politiki u l-istrumenti kummerċjali li jappoġġjaw l-azzjoni kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, il-KESE jilqa’ l-proposta għall-inklużjoni ta’ impenji ambizzjużi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fi ftehimiet futuri ta’ kummerċ ħieles. Madankollu, dan mhux se jkun biżżejjed biex jitrażżan it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. L-isforzi tal-UE biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-kummerċ u l-investiment internazzjonali se jkunu inutli u kontroproduttivi jekk l-UE ma tindirizzax b’mod urġenti l-lakuni fl-infurzar tal-liġi. Il-passaporti diġitali tal-prodotti jistgħu jservu wkoll l-istess skop. Dawn jistgħu jżidu t-traċċabbiltà u t-trasparenza dwar ir-riskji fil-ktajjen tal-provvista globali, u jgħinu fl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll internazzjonali konġunti u sforzi ta’ infurzar, kif ukoll jiżguraw li n-nies u l-konsumaturi jkollhom l-istess livell ta’ informazzjoni dwar il-prodotti li jixtru, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://ec.europa.eu/environment/cites/infographics_en.htm.

(2)  https://ec.europa.eu/environment/cites/trafficking_en.htm.

(3)  https://www.traffic.org/.

(4)  https://www.traffic.org/site/assets/files/12745/eu-seizures-report-2020-final-web.pdf.

(5)  https://www.traffic.org/site/assets/files/17391/2020_eu_seizures_report_final.pdf.

(6)  https://sustainabledevelopment.un.org/topics/biodiversityandecosystems.

(7)  Silta minn konklużjoni ta’ analiżi tal-Kummissjoni Ewropea: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52016SC0038

(8)  UNEP-INTERPOL Report: Value of Environmental Crime up 26% (Rapport ta’ UNEP-INTERPOL: Il-valur tar-Reati Ambjentali żdied b’26 % – mhux disponibbli bil-Malti)

(9)  https://globalconservation.org/news/over-one-thousand-park-rangers-die-10-years-protecting-our-parks/.

(10)  Il-Kunsill jaqbel dwar il-mandat ta’ negozjar tiegħu dwar id-direttiva dwar il-kriminalità ambjentali – Consilium (europa.eu)


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/83


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju”

(COM(2022) 672 final — 2022/0394 (COD))

(2023/C 184/15)

Relatur: Stoyan TCHOUKANOV

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 1.2.2023

Kunsill Ewropew, 6.2.2023

Bażi legali

Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdiedu l-assorbimenti tal-karbonju u jiġu promossi l-prattiki riġenerattivi, mingħajr ma titneħħa l-enfasi primarja fuq it-tnaqqis kruċjali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra biex jiġi limitat it-tisħin globali. Madankollu, il-KESE jinnota li għad hemm wisq punti kruċjali li għad iridu jiġu żviluppati aktar permezz ta’ atti delegati.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi li fl-Unjoni bħalissa jeżistu skemi differenti ta’ validazzjoni u ta’ kumpens fil-qasam tal-assorbiment tal-karbonju, u li qafas ta’ ċertifikazzjoni komuni għandu l-potenzjal li jagħti ċarezza u affidabbiltà billi jistabbilixxi regoli ġenerali tal-UE biex jirregolaw kif jitkejlu, jiġu vvalidati u vverifikati l-benefiċċji għall-klima tal-assorbimenti tal-karbonju. In-natura volontarja tal-qafas tinvolvi effett ta’ inċentiv li jista’ jipprovdi mezzi ġodda ta’ introjtu lil dawk interessati li jwettqu attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju. Il-KESE jappella għal aktar ċarezza dwar l-iskeda ta’ żmien mistennija għall-implimentazzjoni sħiħa, meta jitqies l-għadd ta’ korpi u unitajiet ta’ ċertifikazzjoni li jeħtieġ li jinħolqu.

1.3

Il-KESE jinnota li jista’ jkun hemm mistoqsijiet leġittimi dwar l-użu tal-assorbiment tal-karbonju fil-politika tal-UE dwar il-klima, mill-potenzjal għal limitazzjoni jew dewmien fit-tnaqqis tal-emissjonijiet minħabba wegħdiet ta’ assorbiment tal-karbonju fil-futur, għat-theddida ta’ talbiet frodulenti u greenwashing abbażi ta’ xiri ta’ kreditu ta’ karbonju. Sabiex jiġi evitat il-greenwashing, il-KESE jappella biex id-durata mistennija tal-ħżin tal-karbonju u r-riskji ta’ treġġigħ lura jiġu riflessi b’mod ċar fl-użu taċ-ċertifikati differenti tal-assorbiment tal-karbonju (li jkopru “ħżin permanenti”, “sekwestru tal-karbonju f’art agrikola” u “ħżin tal-karbonju fi prodotti dejjiema”).

1.4

Il-KESE jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni li tagħti lill-pubbliku, lill-fornituri tal-assorbiment tal-karbonju u lix-xerrejja trasparenza u ċarezza dwar il-valur tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju ċċertifikati. Madankollu, huwa jappella għal aktar salvagwardji dwar il-valur u l-użu taċ-ċertifikati. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida biex jiġu definiti d-dikjarazzjonijiet adatti li jistgħu jsiru abbażi ta’ każijiet differenti ta’ assorbiment iċċertifikat tal-karbonju u jappella biex tinżamm id-distinzjoni bejn ċertifikati li jirriżultaw mill-ħżin permanenti tal-karbonju, mis-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u mill-ħżin tal-karbonju fil-prodotti.

1.5

Il-KESE jappella biex il-metodoloġiji futuri żviluppati fl-ambitu tal-qafas jiddeskrivu b’mod ċar l-aspetti tar-responsabbiltà u jiddefendu t-trasparenza. Ir-riskju ta’ treġġigħ lura jeħtieġ li jiġi mmonitorjat u mmitigat kontinwament. Ir-responsabbiltà kif ukoll it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-karbonju assorbit u maħżun jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar fl-ispettru kollu tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju.

1.6

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika u ggwidati mill-komunità xjentifika. Il-KESE jirrimarka li s-sistema għaċ-ċertifikazzjoni hija wisq kumplessa u diffiċli biex tippromovi adozzjoni wiesgħa ta’ dawn il-prattiki – dawn il-proċeduri jidhru li jieħdu ħafna ħin u huma tekniċi u jistgħu jiddemotivaw lill-operaturi fl-attivitajiet tagħhom, peress li spiss ikunu negozji fuq skala żgħira b’marġnijiet limitati anke fl-aħjar xenarju possibbli.

1.7

Il-KESE jinnota li hija meħtieġa firxa wiesgħa ta’ kejl tal-assorbimenti tal-karbonju biex jitwettqu il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, inklużi l-użu ta’ telerilevament u immaġnijiet bis-satellita. Fir-rigward tal-kejl meħtieġ, il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-ispejjeż tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-assorbiment tal-karbonju jinżammu baxxi kemm jista’ jkun, biex tiġi żgurata aċċessibbiltà wiesgħa tal-qafas taċ-ċertifikazzjoni.

1.8

Il-KESE jenfasizza li r-riskji u l-effetti sekondarji potenzjali għall-atturi ewlenin (il-bdiewa, l-industrija tal-foresti, u l-industriji tal-kostruzzjoni u tal-injam) assoċjati mal-Proposta, inklużi dawk ta’ natura ambjentali jew soċjoekonomika, jeħtieġ li jiġu vvalutati u indirizzati bir-reqqa qabel ma l-qafas taċ-ċertifikazzjoni jiġi integrat f’politiki oħra, bħall-Politika Agrikola Komuni.

1.9

Fil-fehma tal-KESE, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) attwali m’għandhiex tintuża biex tiffinanzja s-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola jew l-assorbimenti tal-karbonju (1). Għalkemm il-PAK jista’ jkollha rwol żgħir fl-assorbimenti tal-karbonju, dan l-istrument huwa mfassal għall-produzzjoni tal-ikel, l-għalf u l-bijomassa, li huwa l-objettiv primarju tas-settur tal-agrikoltura u tal-forestrija. F’dan il-kuntest speċifiku, l-assorbimenti tal-karbonju huma prodott sekondarju, li jfisser li għandhom ikunu disponibbli sorsi ta’ finanzjament addizzjonali.

1.10

Il-KESE huwa tal-fehma li l-livell għoli ta’ ambigwità tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament ser jaġixxi bħala diżinċentiv qawwi għall-parteċipazzjoni għal dawk li potenzjalment jieħdu sehem. Għalhekk, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn ta’ ċertu livell ta’ ċertezza fir-rigward tal-finanzjament. Minħabba l-opportunitajiet tal-assorbimenti tal-karbonju fil-futur, il-KESE jirrakkomanda li jiġi żviluppat pjan direzzjonali lejn strument finanzjarju komuni għal dawn il-miżuri.

2.   Kummenti ġenerali

Il-ħtieġa li jiżdiedu l-assorbimenti tal-karbonju biex jintlaħqu l-miri żero netti

2.1

F’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tilħaq emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra sal-2050, u emissjonijiet negattivi netti wara dik is-sena. Skont l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), mhux ser ikun biżżejjed li jkun hemm enfasi biss fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-rapport jgħid li ma jistax jiġi evitat l-użu b’mod effettiv tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju sabiex jiġu kkontrobilanċjati l-emissjonijiet residwi li huma diffiċli li jitrażżnu jekk iridu jinkisbu n-newtralità karbonika jew in-newtralità klimatika (2).

2.2

Minkejja li l-assorbimenti tal-karbonju ma jissostitwixxux it-tnaqqis drastiku meħtieġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dawn ser ikollhom jikkomplementaw l-isforzi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet sabiex jintlaħqu n-newtralità klimatika jew l-emissjonijiet negattivi netti. Konsegwentement, l-assorbimenti tal-karbonju jeħtieġ li jiżdiedu b’mod sinifikanti globalment biex jiġu kkontrollati l-konċentrazzjonijiet atmosferiċi ta’ gassijiet serra u jiġi limitat it-tisħin globali. Biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha, l-UE tantiċipa li ser ikollha bżonn tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’85-95 % meta mqabbla mal-1990, u jintużaw miżuri għall-assorbimenti tal-karbonju biex jikkumpensaw għad-diskrepanzi. Għalhekk, kull sena ser ikun meħtieġ li mill-atmosfera jitneħħew diversi mijiet ta’ miljun tunnellata (Mt) ta’ CO2.

2.3

Għal dan il-għan, l-UE s’issa introduċiet diversi inizjattivi:

il-Liġi dwar il-Klima, li tistabbilixxi l-objettiv tal-UE li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050;

ir-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), li l-aħħar proposta għal emenda tipprevedi mira netta għall-assorbimenti tal-karbonju ta’ 310 Mt CO2 ekwivalenti sal-2030, għall-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija, fil-foresti u fil-prodotti tal-injam; u

il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli, li tiddeskrivi l-pjan direzzjonali għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola li jikkontribwixxi għall-mira proposta tal-2030 għal-LULUCF, u s-soluzzjonijiet industrijali li jneħħu mill-inqas 5 Mt CO2 sal-2030. Il-Komunikazzjoni ħabbret ukoll pjani biex tiġi żviluppata l-proposta għal qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju.

Il-ġestjoni tal-proġetti għall-assorbiment tal-karbonju

2.4

Permezz tal-Proposta tagħha li tistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni volontarju tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li żżid l-assorbimenti tal-karbonju ta’ kwalità għolja u sostenibbli billi tinċentiva l-finanzjament, tiġġieled il-greenwashing u tibni l-fiduċja, kif ukoll tarmonizza l-kundizzjonijiet tas-suq.

2.5

Il-Kummissjoni tistabbilixxi tliet kategoriji ewlenin ta’ metodi għall-assorbiment tal-karbonju:

ħżin permanenti. Dan jinkludi metodi bħall-bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (BECCS) u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju dirett mill-arja (DACCS). Mill-inqas 5 Mt ta’ CO2 għandhom jiġu assorbiti permezz ta’ metodi f’din il-kategorija sal-2030, u sa 200 Mt CO2 assorbiti sal-2050;

is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola jkopri metodi bħall-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, il-ġestjoni mtejba tal-foresti, l-agroforestrija, is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija u r-restawr tat-torbiera. Flimkien mal-prodotti għall-ħżin tal-karbonju, is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola jikkontribwixxi għall-mira tal-assorbiment proposta tal-LULUCF ta’ 310 Mt CO2 ekwivalenti fis-sena, li għandha tintlaħaq sal-2030, u ekonomija “pożittiva għall-klima” sal-2050;

il-prodotti għall-ħżin tal-karbonju jinkludu metodi bħall-użu ta’ materjali bbażati fuq l-injam fil-kostruzzjoni, kif ukoll il-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) fit-tul, u flimkien mas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola se jgħinu biex jintlaħqu l-miri proposti tal-LULUCF u tal-impatt pożittiv fuq il-klima msemmija hawn fuq.

2.6

Il-Kummissjoni tistabbilixxi ċerti kriterji bażi sabiex jiġi żgurat li l-assorbimenti tal-karbonju ta’ kwalità għolja biss jiġu ċċertifikati skont ir-Regolament:

l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju jridu jitkejlu b’mod preċiż u jagħtu benefiċċji mhux ambigwi għall-klima (kwantifikazzjoni);

l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju jridu jmorru lil hinn mill-prattiki tas-suq u dak li huwa legalment meħtieġ (addizzjonalità);

iċ-ċertifikati jridu jqisu b’mod ċar it-tul tal-ħżin tal-karbonju u jiddistingwixxu bejn il-ħżin permanenti u dak temporanju (ħżin fit-tul);

fl-aħħar nett, l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-objettivi ambjentali oħra bħall-bijodiversità, jew tal-anqas ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-ambjent (sostenibbiltà).

2.7

Biex tiddefinixxi b’mod aktar ċar ir-regoli li japplikaw għal kull metodu ta’ assorbiment tal-karbonju, u biex tħaddem il-kriterji tal-kwalità, il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni mfassla apposta b’appoġġ minn grupp ta’ esperti u tistabbilixxihom permezz ta’ atti delegati. L-UE l-ewwel se tiżviluppa metodoloġiji u tirrikonoxxi skemi ta’ ċertifikazzjoni. Fit-tieni pass, l-operaturi jistgħu jissieħbu fi skemi ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti mill-UE, filwaqt li partijiet terzi se jivverifikaw l-attivitajiet eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni. L-assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati se jiġu rreġistrati f’reġistri interoperabbli.

2.8

Hemm diversi sinerġiji bejn l-inizjattivi eżistenti u dawk futuri fil-qasam rilevanti għall-assorbiment tal-karbonju. L-assorbimenti tal-karbonju skont ir-Regolament propost jistgħu:

jirċievu appoġġ pubbliku permezz tal-Politika Agrikola Komuni, l-Għajnuna mill-Istat, jew il-Fond għall-Innovazzjoni;

jiġu inklużi fir-rapportar korporattiv, li għandhom jiġu definiti aktar mill-qrib fl-Inizjattiva biex jiġu sostanzjati l-asserzjonijiet ambjentali jew fid-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD);

jagħmlu użu minn sinerġiji ma’ tikketti u ċertifikazzjonijiet oħra, bħaċ-ċertifikazzjoni tal-biedja organika u l-bijomassa sostenibbli;

jiġu inklużi fil-kuntratti tal-katina tal-provvista, billi jistabbilixxu ktajjen tal-valur industrijali u sinerġiji ma’ sistemi tal-ikel sostenibbli;

jikkontribwixxu għall-integrità tas-swieq volontarji tal-karbonju.

3.   Kummenti speċifiċi

Ċertifikazzjoni robusta bħala sinsla tant meħtieġa biex jiżdiedu b’mod rapidu l-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-karbonju fl-Ewropa

3.1

L-istabbiliment ta’ regoli ġenerali tal-UE biex jirregolaw kif il-benefiċċji klimatiċi tal-assorbimenti tal-karbonju jitkejlu, jiġu vvalidati u vverifikati, jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet b’saħħithom ta’ assorbiment tal-karbonju fl-Ewropa. Dan jinkludi varjetà wiesgħa ta’ metodi innovattivi għall-bdiewa, il-forestiera, l-industriji u oħrajn biex jaqbdu u jaħżnu CO2 mhux fossili.

3.2

Iċ-ċertifikazzjoni tirrappreżenta pass meħtieġ u sinifikanti lejn l-integrazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju fil-politiki tal-UE dwar il-klima. Dan jinkludi, pereżempju, li jinħolqu inċentivi għall-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija għall-maniġers tal-art (eż. permezz tal-PAK), li jiġu ppremjati l-akkwisti ta’ materjali tal-bini li jaħżnu karbonju mhux fossili (eż. permezz ta’ kodiċijiet tal-bini), jew li jsir rapportar dwar il-miri klimatiċi (eż. permezz tas-CSRD).

3.3

Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-qafas ta’ ċertifikazzjoni għall-assorbiment tal-karbonju fil-prinċipju u bħala pass lejn ċertifikazzjoni robusta.

Il-ħtieġa li jiġi mmonitorjat il-karbonju assorbit biex jiġu żgurati kobenefiċċji klimatiċi, ekonomiċi u soċjetali

3.4

Filwaqt li huwa imperattiv li l-assorbimenti tal-karbonju jintużaw b’mod effettiv fuq skala kbira, huwa importanti wkoll li dawn l-isforzi jinżammu taħt kontroll. Il-KESE jinnota li jista’ jkun hemm mistoqsijiet leġittimi dwar l-użu tal-assorbiment tal-karbonju fil-politika tal-UE dwar il-klima, mill-potenzjal għad-deterrenza tal-mitigazzjoni sat-theddida ta’ pretensjonijiet ekoloġiċi u greenwashing qarrieqa abbażi ta’ xiri ta’ kreditu ta’ karbonju.

3.5

Għalhekk, il-KESE jemmen li l-UE teħtieġ qafas effettiv u robust ta’ ċertifikazzjoni biex jiġi żgurat li jiġi ċċertifikat biss assorbiment tal-karbonju ta’ kwalità għolja u affidabbli. Dan ser jippermetti lill-UE tirrikonoxxi u tippremja l-assorbiment tal-karbonju mingħajr ma xxekkel id-dekarbonizzazzjoni.

3.6

L-istabbiliment ta’ livell minimu ta’ kwalità għall-assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati kollha huwa kruċjali biex tingħata fiduċja lill-atturi ewlenin li l-assorbiment tal-karbonju ċċertifikat mill-UE joħloq benefiċċju reali għall-klima. Aktar ’il quddiem, ser ikollha tipprovdi wkoll sinjal b’saħħtu biżżejjed li l-assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati jistgħu jiġu integrati b’mod sikur f’politiki usa’ tal-UE relatati mal-klima.

3.7

F’dan il-kuntest, l-attivitajiet tal-assorbimenti tal-karbonju jeħtieġ li juru addizzjonalità – li l-assorbiment ma kienx iseħħ mingħajr l-intervent. Dan huwa rekwiżit strett jekk iċ-ċertifikati jintużaw għal talbiet għal kumpens, iżda potenzjalment jistgħu jiġu llaxkati meta ma ssir l-ebda talba (eż. fil-każ ta’ pagamenti diretti tal-gvern lill-bdiewa biex jinċentivaw bidla lejn prattiki riġenerattivi). Għal din ir-raġuni, l-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju għandhom jiġġeneraw kobenefiċċji f’termini ta’ sostenibbiltà, aktar milli jkollhom biss impatt “newtrali”, kif attwalment previst mill-Kummissjoni.

3.8

Il-KESE jenfasizza wkoll li r-riskju ta’ treġġigħ lura (rilaxx ta’ CO2 maħżun) jeħtieġ li jiġi mmonitorjat u mmitigat kontinwament. Ir-responsabbiltà, kif ukoll it-trasferiment tar-responsabbiltà, għall-karbonju assorbit u maħżun jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar u jkunu speċifiċi għal kull tip ta’ assorbiment tal-karbonju.

Iż-żamma tad-distinzjoni bejn il-ħżin permanenti tal-karbonju, is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u l-ħżin tal-karbonju fil-prodotti

3.9

Il-metodi għall-assorbiment tal-karbonju jvarjaw b’mod sinifikanti f’termini ta’ kif jiġi estratt is-CO2 mill-atmosfera, fejn jinħażen il-karbonju, u għal kemm żmien.

3.10

Ġeneralment, il-karbonju maħżun f’riżervi terrestri u l-bijomassa ħajja (metodi gall-assorbiment b’ċiklu qasir) huwa aktar vulnerabbli u juri perjodi ta’ ħżin iqsar mill-karbonju maħżun f’riżervi ġeoloġiċi (metodi għall-assorbiment b’ċiklu twil).

3.11

B’riżultat ta’ dan, id-diversi metodi għall-assorbiment u l-ħżin tal-karbonju għandhom jingħaddu, jiġu ġestiti u ċċertifikati b’modi differenti, skont in-natura tal-ħżin tal-karbonju. L-UE diġà tissepara l-pilastru tal-LULUCF mill-emissjonijiet tas-settur industrijali. Il-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli tintroduċi distinzjonijiet bejn it-tipi ta’ karbonju “fossili”, “bijoġeniku”, u “atmosferiku”, li tipproponi li jiġu ttikkettati, traċċati u kontabilizzati separatament fl-UE sa mhux aktar tard mill-2028.

3.12

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li t-tliet gruppi ta’ metodi tal-assorbiment tal-karbonju (ħżin permanenti tal-karbonju, sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u ħżin tal-karbonju fil-prodotti) għandhom rwoli differenti fi triqietna lejn in-newtralità klimatika u għandhom eżiti klimatiċi, kostijiet, sfidi tal-użu, livelli ta’ maturità u perċezzjoni pubblika differenti. Għalhekk, għandhom jiġu inċentivati u rregolati wkoll b’modi differenti, li jippermettu politiki mfassla apposta u appoġġ finanzjarju li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kull metodu għall-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju.

3.13

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-KESE jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li tagħti lill-pubbliku, lill-fornituri tal-assorbiment tal-karbonju u lix-xerrejja trasparenza u ċarezza dwar il-valur tal-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju ċċertifikati.

3.14

Madankollu. il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel iktar u tintroduċi wkoll gwida li tiddefinixxi d-dikjarazzjonijiet adatti li jistgħu jsiru abbażi ta’ każijiet differenti ta’ assorbiment tal-karbonju ċċertifikat (jiġifieri ħżin permanenti, sekwestru tal-karbonju f’art agrikola, ħżin tal-karbonju fil-prodotti). Dan ser ikun kruċjali biex jitrawwem l-ispettru sħiħ ta’ każijiet possibbli ta’ ċertifikazzjoni għall-assorbiment tal-karbonju, filwaqt li tiġi żgurata l-integrità tal-benefiċċji klimatiċi ddikjarati u jiġi evitat il-greenwashing.

L-iżgurar tat-trasparenza u l-kontribut xjentifiku fl-iżvilupp tal-metodoloġiji

3.15

Peress li l-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha fi proċess separat, appoġġjata minn grupp ta’ esperti, biex tiżviluppa metodoloġiji għal attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju kif ukoll biex tistabbilixxi aktar dettalji dwar iċ-ċertifikati f’atti delegati, il-KESE jappella biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta u kkonsultata.

3.16

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji li ser jiġu żviluppati jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika u ggwidati mill-komunità xjentifika.

3.17

Il-KESE jinnota li hija meħtieġa firxa wiesgħa ta’ kejl tal-assorbimenti tal-karbonju biex jitwettqu il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika, inklużi l-użu ta’ telerilevament u immaġnijiet bis-satellita. Fir-rigward tal-kejl meħtieġ, il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-ispejjeż tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-assorbiment tal-karbonju jinżammu baxxi kemm jista’ jkun, biex tiġi żgurata aċċessibbiltà wiesgħa tal-qafas taċ-ċertifikazzjoni.

3.18

L-UE għandha tikkunsidra li tipprovdi finanzjament iddedikat għar-riċerka, l-iżvilupp tal-metodoloġija, u l-użu effettiv tal-fażi pilota. Għal atturi żgħar, l-appoġġ għall-bini tal-kapaċità u biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi ser ikun kruċjali biex jiġi demokratizzat l-aċċess għall-qafas ta’ ċertifikazzjoni.

3.19

Fl-aħħar, il-KESE jenfasizza li r-riskji u l-effetti sekondarji potenzjali assoċjati mal-Proposta għall-atturi ewlenin (il-bdiewa, l-industrija tal-foresti, u l-industriji tal-kostruzzjoni u tal-injam), inklużi dawk ta’ natura ambjentali jew soċjoekonomika, jeħtieġ li jiġu vvalutati u indirizzati bir-reqqa qabel ma l-qafas taċ-ċertifikazzjoni jiġi integrat f’politiki oħra, bħall-Politika Agrikola Komuni.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 323, 26.8.2022, p. 95.

(2)  IPCC, Grupp ta’ Ħidma III, Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika, 2022 (mhux disponibbli bil-Malti).


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Stat tal-Unjoni tal-Enerġija 2022 (skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)”

(COM(2022) 547 final)

(2023/C 184/16)

Relaturi: Marcin NOWACKI, Angelo PAGLIARA, Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/4/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Bir-Rapport tagħha tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta riflessjoni pjuttost ottimista dwar il-miżuri meħuda u l-għanijiet stabbiliti f’dawn l-aħħar xhur.

1.2.

Mir-Rapport jidher ċar li ħafna objettivi li, qabel il-gwerra kontra l-Ukrajna, kienu perċepiti bħala ambizzjużi wisq, issa huma meqjusa bħala tweġibiet realistiċi għall-kriżi tal-enerġija. Tqum il-kwistjoni dwar x’żamm lill-UE b’mod ġenerali milli tkun aktar diretta fir-rigward tal-protezzjoni tal-klima, tas-sigurtà tal-provvista, tal-awtonomija tal-enerġija u tar-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija Ewropea qabel l-24 ta’ Frar 2022.

1.3.

Filwaqt hemm tagħlim x’jinsilet mid-diversi fatti u ċifri li huma ppreżentati fil-Komunikazzjoni, l-Unjoni tal-Enerġija hija ħafna aktar minn miri li jistgħu jiġu definiti b’mod matematiku jew statistiku għall-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-iffrankar tal-enerġija jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-KESE jirrimarka li l-Unjoni tal-Enerġija hija fuq kollox proġett politiku bl-objettivi politiċi li ġejjin definiti b’mod preċiż, deskritti bħala viżjonijiet (1):

(1)

Unjoni tal-Enerġija mibnija fuq is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri li jitkellmu b’vuċi waħda fl-affarijiet globali;

(2)

Sistema tal-enerġija integrata fejn l-enerġija tgħaddi b’mod ħieles bejn il-fruntieri, abbażi tal-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni effettiva u l-użu ottimali tar-riżorsi;

(3)

Ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju u li ma tagħmilx ħsara lill-klima mfassla biex iddum għal żmien twil;

(4)

Kumpaniji Ewropej b’saħħithom, innovattivi u kompetittivi li jiżviluppaw prodotti u teknoloġija meħtieġa għall-effiċjenza enerġetika u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju biex inaqqsu l-kontijiet, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq u fejn il-klijenti vulnerabbli jkunu protetti;

(5)

Il-bini tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea li huma meħtieġa għall-bini u għall-ġestjoni tal-ekonomija tal-enerġija tal-Ewropa;

(6)

Il-ħolqien ta’ fiduċja tal-investituri bbażata fuq sinjali tal-prezzijiet li jikkomunikaw ħtiġijiet fit-tul u objettivi ta’ politika, u dan fuq il-presunzjoni, fost affarijiet oħra, tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-enerġiji fossili; u

(7)

It-tqegħid taċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-Unjoni tal-Enerġija, li jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tas-sistema tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq u, fejn il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti.

Ir-rapport jipprovdi deskrizzjoni tal-miżuri li ttieħdu sa issa jew li huma ppjanati għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-viżjonijiet. Madankollu, il-KESE jinsab diżappuntat li r-rendikont mogħti fir-rapport mhuwiex relatat mal-viżjonijiet iżda, pjuttost, mal-ħames dimensjonijiet li jsaħħu lil xulxin u li huma interrelatati mill-qrib, imfasslin biex jiksbu aktar sigurtà, sostenibbiltà u kompetittività tal-enerġija. Dan is-sett doppju ta’ objettivi jew viżjonijiet minn naħa waħda u d-dimensjonijiet min-naħa l-oħra jagħmilha estremament diffiċli li tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-viżjonijiet, anke minħabba li pereżempju l-kwistjonijiet taċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-unjoni tal-enerġija jew il-ħtieġa għal titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol jidhru f’diversi dimensjonijiet. Il-KESE huwa diżappuntat li dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġi segwit il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.

1.4.

Il-Komunikazzjoni ġustament tagħmel referenza għall-pjan REPowerEU, li ġie appoġġjat mill-KESE u li reġa’ qajjem u saħħaħ l-istrumenti tal-Patt Ekoloġiku u ta’ “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, b’enfasi fuq id-diversifikazzjoni, l-iffrankar, is-sigurtà tal-provvista u t-tħaffif tal-pass tal-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-kriżi attwali tal-klima u tal-enerġija, u n-nuqqas ta’ sigurtà, stabbiltà u prevedibbiltà fil-provvista u l-prezzijiet qed jitfgħu pressjoni enormi fuq l-Unjoni Ewropea. Il-kriżi kienet tkun inqas severa kieku ttieħdet aktar azzjoni speċifika aktar kmieni u, pereżempju, kieku l-objettivi tal-UE nnifisha (bħal dawk tal-Unjoni Ewropea tal-Enerġija) ittieħdu aktar bis-serjetà.

1.5.

Skont ir-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, huwa stmat li EUR 300 biljun fi flus pubbliċi jeħtieġ li jiġu investiti fil-linji ta’ azzjoni differenti mmirati biex tintlaħaq indipendenza sħiħa mill-fjuwils fossili Russi bejn issa u l-2030, u dan se jkollu impatt sinifikanti fuq il-baġit totali tal-UE. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ aktar investiment privat, inkluż investiment miċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE jemmen li l-flus hemm bżonn jintefqu b’mod li jgħin biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq tal-Unjoni tal-Enerġija. Barra minn hekk, l-infiq mgħandux iwassal għal tnaqqis fir-riżorsi għat-tranżizzjoni ġusta, għar-riċerka u l-innovazzjoni, jew għan-negozji u konsumaturi milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.

1.6.

Iż-żieda bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija, li ġiet ikkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, qed twassal għal konsegwenzi soċjali u ekonomiċi enormi, kif ukoll konsegwenzi għan-nisġa industrijali u produttiva tal-pajjiżi. Il-KESE jenfasizza n-nuqqas ta’ koordinazzjoni Ewropea ċara matul il-kriżi tal-enerġija u, bħala parti mir-rispons, jappella għall-ħolqien ta’ strument ibbażat fuq il-mudell SURE, sabiex jappoġġja l-ħaddiema u n-negozji f’diffikultà.

1.7.

Avvenimenti reċenti żiedu r-riskju potenzjali ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ fuq infrastrutturi kritiċi bħall-grilja tal-enerġija u l-impjanti tal-enerġija. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li titfassal u tiġi adottata strateġija komprensiva sabiex l-UE tiġi protetta minn dan it-tip ta’ theddid.

1.8.

L-objettiv strateġiku ewlieni fuq terminu medju tal-pajjiżi tal-UE – b’mod speċifiku fid-dawl ta’ dak li ġara bil-gwerra fl-Ukrajna u filwaqt li titqies ukoll kumplikazzjoni ulterjuri possibbli tas-sitwazzjoni internazzjonali – irid jibqa’ dak tal-awtonomija enerġetika. Nifhmu li “awtonomija strateġika tal-enerġija” tfisser kunċett politiku li se jgħin fit-tiswir tas-suq tal-enerġija futur tal-UE, fejn deċiżjonijiet awtonomi meħuda mill-UE se jiggarantixxu l-indipendenza enerġetika minn fornituri mhux affidabbli. Il-KESE jinsab diżappuntat bil-fatt li dan is-suġġett mhuwiex ikkunsidrat kif xieraq fir-Rapport u għadu mhux meqjus kif suppost, peress li jenfasizza biss fuq l-indipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja.

1.9.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ awtonomija strateġika tal-UE, il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strumenti adatti, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għas-Sovranità, biex tingħata spinta lill-investiment f’teknoloġiji tal-enerġija domestika nadifa u fl-infrastruttura tal-enerġija. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jużaw il-fondi bl-aħjar mod u b’mod effiċjenti għall-iżvilupp tal-enerġija nadifa. Strateġija bħal din għandha tinkludi wkoll gwida dwar kif in-negozji, l-istituzzjonijiet komunitarji, il-membri tal-pubbliku u l-komunitajiet tal-enerġija jiġu motivati jinvestu aktar. L-istrumenti u r-riżorsi li qed jiġu pprovduti bħalissa jidhru li mhumiex biżżejjed għall-isfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari fir-rigward tal-impatt ta’ riżorsi u provvisti ġodda fuq l-ambjent, u fir-rigward ta’ dipendenzi ġodda minn pajjiżi terzi.

1.10.

Meta tiġi żviluppata l-awtonomija tal-enerġija, il-KESE jipproponi li jiġi segwit approċċ minn isfel għal fuq peress li dan l-approċċ jagħmilha aktar faċli biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-punt 1.3.

1.11.

Il-Patt Ekoloġiku għadu mhuwiex akkumpanjat mill-politiki soċjali ekwivalenti biex din it-tranżizzjoni ssir tranżizzjoni ġusta. Peress li l-impjieg u s-sistemi industrijali ser jiġu milquta ħafna mill-proċessi ta’ tranżizzjoni, il-KESE huwa diżappuntat bil-fatt li r-Rapport ma jqisx kif xieraq l-importanza ta’ politiki komprensivi dwar l-impjiegi, il-ħiliet u dawk soċjali. L-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet jeħtieġ li jitqiesu bħala responsabbiltà soċjoekonomika.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

It-tweġiba ideali għax-xokk tal-provvista kkawżat mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tweġiba l-aktar konformi mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni tal-Enerġija jkunu sistema tal-enerġija bbażata fuq enerġija rinnovabbli domestika 100 %. Aħna konxji li ma hemm l-ebda qbil dwar jekk huwiex fattibbli li dan l-objettiv jintlaħaq. Iżda fix-xenarju mistenni, sistema tal-enerġija bħal din tista’ ġġib magħha awtonomija assoluta u reżiljenza għolja bħala benefiċċju ċentrali. Ladarba tiġi ffinanzjata mill-ġdid in-nefqa kapitali għall-investimenti fl-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji intelliġenti, it-trasport nadif u l-effiċjenza enerġetika, din ser tkun qed toffri l-aktar enerġija affordabbli lill-konsumatur finali, filwaqt li ssaħħaħ l-ekonomiji lokali u reġjonali u toħloq aktar impjiegi mis-sistema l-antika. Dawk il-benefiċċji kollha huma deskritti b’mod ċar fil-premessi rispettivi tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa. Filwaqt li l-enerġija rinnovabbli teoretikament għandha l-potenzjal li tiżgura l-awtonomija enerġetika f’termini operazzjonali, xorta jrid jiġi żgurat li l-ekosistema kollha, inkluż il-materjal għall-installazzjonijiet rinnovabbli nnifishom, tippermetti l-produzzjoni lokali. Madankollu, ir-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija juri li s-sistema tal-enerġija Ewropea għadha ’l bogħod milli tilħaq dan l-għan.

2.2.

Din is-sitwazzjoni għalhekk teħtieġ differenzjazzjoni: jekk l-awtonomija assoluta ma tkunx tista’ tintlaħaq, l-UE ser ikollha bżonn awtonomija strateġika. L-awtonomija strateġika tkun tinvolvi d-definizzjoni dwar sa liema punt l-importazzjonijiet tal-enerġija ser jibqgħu inevitabbli fil-futur u xi jkun ifisser dan għall-vulnerabbiltà/għar-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa. Madankollu, l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija ma jagħti l-ebda tweġiba għal dan, u lanqas xi dokument ta’ strateġija ieħor tal-Kummissjoni ma jipprovdi indikazzjonijiet bħal dawn.

2.3.

Biex tingħata tweġiba għall-mistoqsija msemmija fil-punt 2.2, jeħtieġ li jiġi kkalkulat il-kontribut tal-enerġiji rinnovabbli, inklużi l-ħżin tal-elettriku u l-ġestjoni tad-domanda u għażliet oħra ta’ flessibbiltà, biex tiġi koperta d-domanda fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-trasport (il-kreditu tal-kapaċità). Il-kreditu tal-kapaċità huwa l-frazzjoni tal-kapaċità installata ta’ impjant tal-enerġija li wieħed jista’ joqgħod fuqha fi żmien partikolari. Peress li l-enerġiji rinnovabbli huma enerġiji distribwiti, huwa tassew raġonevoli li din il-valutazzjoni tinbeda fil-post fejn dawn jiġu ġġenerati. Skont dan l-approċċ, l-ewwel kreditu tal-kapaċità jeħtieġ li jiġi vvalutat f’livell lokali (eż. fil-livell distrettwali), u li jiġi espress il-kontribut li l-prosumaturi, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u ġeneraturi oħra, jistgħu jiksbu. Huwa fil-livell lokali li jeħtieġ li jiġu implimentati wieħed mill-għanijiet jew waħda mill-viżjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija – inressqu liċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-sistema tal-enerġija. Il-livell li jmiss ikun il-livell reġjonali, fejn id-defiċits (kreditu ta’ kapaċità taħt il-100 %) u s-surpluses (kreditu ta’ kapaċità ogħla minn 100 %) jistgħu jiġu bbilanċjati kemm jista’ jkun possibbli. Aktar tard, ikun imiss il-livell interreġjonali, dak nazzjonali u eventwalment il-livell Ewropew. Peress li l-enerġija rinnovabbli tinvolvi spejjeż sistemiċi konsiderevoli għall-infrastruttura tal-enerġija, l-għan ewlieni huwa li l-enerġija minn sorsi rinnovabbli tiġi kkunsmata lokalment; inkella, l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-produtturi tal-enerġija.

2.4.

Dan l-approċċ minn isfel għal fuq deskritt fil-punt 2.3 huwa l-aktar adattat għan-natura tal-enerġiji rinnovabbli u tal-għażliet ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-produtturi ta’ kull daqs, inklużi l-impjanti tal-enerġija kbar kif ukoll il-produtturi żgħar, inklużi l-hekk imsejħa prosumaturi.

2.5.

F’termini tal-Unjoni tal-Enerġija, l-approċċ deskritt fil-punt 2.3 għandu tliet vantaġġi bażiċi.

2.5.1.

L-ewwel nett, minn perspettiva ta’ ppjanar tal-investiment, irid jiġi antiċipat il-volum ta’ importazzjonijiet tal-enerġija lejn l-UE meħtieġa llum u fil-futur. B’hekk biss ikunu jistgħu jiġu evitati investimenti li jfallu u b’mod speċjali effetti impenjati. Biex inpoġġuha b’mod konkret ħafna: huwa impossibbli li tiġi aċċertata sew id-domanda attwali għal-LNG fl-2025, fl-2030, u fl-2035, mingħajr l-analiżi deskritta. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ xiri, speċjalment dik ibbażata fuq kuntratti fit-tul, tirriskja li ma tkunx korretta jekk il-kreditu tal-kapaċità ma jiġix ivvalutat fil-livell lokali, reġjonali, interreġjonali u Ewropew. Dan huwa ta’ importanza partikolari peress li l-kuntratti fit-tul huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista tal-LNG fil-preżent. Is-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija jiddependi fuq din l-analiżi, iżda din ma teżistix.

2.5.2.

It-tieni vantaġġ meta jiġi analizzat il-kreditu tal-kapaċità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inklużi l-għażliet ta’ flessibbiltà, fil-livell lokali, reġjonali, interreġjonali u Ewropew, huwa li dan jista’ jgħin biex tiġi implimentata sistema ta’ ppjanar tal-infrastruttura tal-enerġija li tħares ’il quddiem u li tkopri l-grilja tal-elettriku, in-network tal-gass b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u s-sistemi tat-tisħin distrettwali. Hawnhekk, huwa fundamentalment importanti li jiġi ddikjarat li l-infrastruttura tal-gass fl-Ewropa trid tkun lesta għall-idroġenu. Madankollu, bħalissa ma jeżisti l-ebda kriterju affidabbli għat-tħejjija għall-użu tal-idroġenu. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tibda tiżviluppa standards bħal dawn, bil-ħsieb li tressaq proposta malajr kemm jista’ jkun.

2.5.3.

It-tielet vantaġġ huwa marbut mill-qrib ma’ dak imsemmi fil-punt 1.10: hija meħtieġa rikonsiderazzjoni tal-istabbiltà tas-sistema. Is-sistema futura tan-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni fl-Ewropa u fil-livell tal-Istati Membri tal-UE, għandha tkun matriċi ta’ konnessjonijiet standardizzati, interkonnessi u li tkopri kemm linji ta’ vultaġġ għoli ġestiti b’mod ċentralizzat, kif ukoll kooperattivi tal-enerġija bbażati fuq linji ta’ vultaġġ medju u baxx li jkunu kkummerċjalizzati. Fil-livell lokali, huwa essenzjali li tiġi aċċelerata l-introduzzjoni u l-iżvilupp simplifikat tal-enerġija distribwita permezz ta’ mekkaniżmi legali u organizzattivi li jippermettu l-użu tal-hekk imsejħa linji diretti, il-cable pooling, u l-kooperazzjoni mal-produtturi tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli skont prinċipji konġunti u definiti fi ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija).

2.6.

Illum, l-operaturi tal-grilja ta’ trażmissjoni fil-livell nazzjonali mhumiex interessati biżżejjed fl-iżvilupp ta’ networks lokali li jippermettu aktar flessibbiltà fis-settur tal-elettriku, peress li, fil-fehma tagħhom, dan jista’ jiddestabbilizza s-sistema tal-enerġija. L-operaturi tal-grilja tad-distribuzzjoni mhumiex imħeġġa jinvestu fin-networks lokali għax l-ambjent regolatorju u politiku attwali huwa nieqes minn gwida ċara. Ir-regolamentazzjoni dwar it-tariffi tal-grilja tinċentiva biss it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku. Ma jingħataw l-ebda inċentivi għal kunċetti ta’ ġestjoni intelliġenti tal-elettriku. Il-KESE jinsab konvint li l-iżvilupp tal-kooperattivi tal-enerġija u l-mudell tal-prosumaturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jippermetti t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija fil-livell lokali u t-tnaqqis tat-tagħbija fuq il-grilja elettrika. Il-konsum lokali tal-enerġija rinnovabbli volatili jnaqqas il-pressjoni fuq il-grilja, u huwa għalhekk li l-konsum lokali għandu jkun l-għażla ppreferuta meta jkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u tal-ispejjeż. Il-prosumaturi u l-komunitajiet tal-enerġija (bil-parteċipazzjoni tad-distributuri tal-enerġija, il-gvernijiet lokali, l-intraprendituri u ċ-ċittadini) jistgħu jibbilanċjaw ir-riżorsi disponibbli u d-domanda għall-elettriku fid-djar, fil-kumpaniji u fil-bini pubbliku tagħhom – speċjalment bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija u teknoloġiji diġitali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li d-distributuri tal-enerġija jkunu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess f’dan ir-rigward, u jitlob li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti jikkunsidraw miżuri biex jiġu evitati dawn l-effetti negattivi tal-integrazzjoni vertikali.

2.7.

Fl-isfond tal-prattika ħażina deskritta fil-punt 2.6, isir saħansitra aktar importanti li jiġi segwit l-approċċ deskritt fil-punt 2.3 sabiex jiġu sfruttati t-tliet vantaġġi spjegati fil-punti 2.5.1, 2.5.2 u 2.5.3. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposta dwar kif dan l-approċċ jista’ jiġi inkorporat fil-politika tal-Unjoni tal-Enerġija tagħha. Il-kisba tal-perspettiva strateġika tal-indipendenza enerġetika, esklużi l-interventi ta’ emerġenza meħtieġa fl-aħħar sena, ser tirrikjedi monitoraġġ u żvilupp kostanti tal-kwistjonijiet li ġejjin:

il-bilanċ tar-riżorsi eżistenti (iż-żejt, il-gass, is-sorsi rinnovabbli u nukleari, eċċ.);

il-bilanċ tar-riżorsi potenzjali (l-esplorazzjoni, l-estrazzjoni ta’ riżorsi konvenzjonali, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi, eċċ.);

il-programm u l-ġerarkija tal-aħjar żvilupp ta’ sorsi differenti tal-enerġija fl-Ewropa; is-sistema ta’ finanzjament għall-programm ta’ indipendenza enerġetika.

Dan jirrikjedi wkoll valutazzjoni ta’ liema installazzjonijiet eżistenti li għadhom joperaw jeħtieġ li jinżammu, u liema sorsi qodma, inklużi l-kapaċitajiet konvenzjonali, jeħtieġ li jiġu sostitwiti fi proċess bla xkiel u komplementari. Għandu jkun hemm ukoll analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tat-teknoloġiji tar-riformar tal-metan bl-istim u tal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS)/tal-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU).

2.8.

F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni li l-proċess biex jitħaffef l-għoti ta’ permessi għal proġetti rinnovabbli huwa kruċjali. Din hija ħaġa importanti u relattivament faċli biex titwettaq min-naħa tal-proċess. Il-livell ta’ burokrazija jnaqqas b’mod ċar ir-ritmu ta’ xi proġetti, speċjalment dawk li jinvolvu kapaċitajiet kbar ta’ ġenerazzjoni. Naraw u napprezzaw l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, iżda finalment iridu jitwettqu xi bidliet.

2.9.

Filwaqt li twettaq il-kompitu stabbilit fil-punt 2.5.3, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll ir-rabta strateġika bejn l-istrateġija Ewropea dwar l-enerġija u l-ħtieġa għal sistema industrijali Ewropea b’saħħitha, sostenibbli u innovattiva, li s’issa għadha ma ġietx ikkunsidrata fir-Rapporti dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-KESE rrakkomanda, fl-Opinjoni tiegħu dwar L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2021 (TEN 767), li l-governanza u l-ġestjoni tal-Unjoni tal-Enerġija jirriflettu aktar bir-reqqa dwar is-sinerġiji mal-istrateġija industrijali tal-UE l-ġdida. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis, mir-Rapport li jmiss, l-importanza ta’ din ir-rabta strateġika u tiżgura koordinazzjoni aħjar mar-rapport ta’ prospettiva strateġika.

2.10.

Bl-istess mod, ir-rwol ċentrali u attiv taċ-ċittadini, li għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politiki, mhuwiex ikkunsidrat b’mod adegwat fid-dokument jew fl-appendiċijiet. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija, billi jiġu integrati fis-suq, u jsiru “prosumaturi” ta’ vera. Il-kunċett ta’ prosum jeħtieġ li jitwessa’ biex jinkludi l-kondiviżjoni tal-enerġija, l-awtokonsum virtwali u każijiet oħra ta’ prosum li jużaw il-grilja pubblika. Għal dan l-għan, il-KESE jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex iħeġġu u jippromovu l-miżuri kollha meħtieġa biex in-nies ikunu jistgħu jsiru prosumaturi tal-enerġija.

2.11.

L-Istati Membri huma obbligati jippreżentaw il-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tagħhom sa Ġunju tal-2023. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirċievu messaġġ ċar bi pjan direzzjonali li jippermettilhom jippjanaw kif xieraq il-perkors tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija kif deskritt fil-punt 2.3 u filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet mogħtija fil-punti 2.7, 2.8 u 2.9.

2.12.

L-attivitajiet ippjanati għall-iżvilupp ta’ disinn ġdid tas-suq iridu jiġu stabbiliti fil-kuntest tal-aspetti msemmija hawn fuq. Il-KESE jaqbel li hija meħtieġa azzjoni biex jiġi ottimizzat u mtejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE, anke fid-dawl tal-evoluzzjoni futura tax-xenarju tal-enerġija kif deskritt fil-punt 2.3, tat-teknoloġiji emerġenti ġodda, tal-iżviluppi ġeopolitiċi u tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi attwali. Il-KESE jnnota bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-qafas tar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT) biex ittaffi r-riskji ta’ abbuż tas-suq, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri kollha meħtieġa biex tippreserva l-funzjonament tas-suq u tevita l-effetti distorsivi fl-ipprezzar u l-ispekulazzjoni. Is-suq Ewropew tal-enerġija m’għandux jaħdem bħas-swieq finanzjarji. Is-suq intern tal-enerġija tagħna jrid jirrifletti l-istampa realistika tas-sitwazzjoni fis-sistema tal-enerġija fl-Ewropa. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jindika l-inadegwatezza tar-riżorsi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija biex timmonitorja s-suq ħalli jiġi evitat l-abbuż, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din l-Aġenzija tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha f’dan ir-rigward.

2.13.

Il-KESE huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fis-sussidji għall-enerġija rinnovabbli li seħħ fl-2021, filwaqt li s-sussidji għall-fjuwil fossili baqgħu stabbli. Wara l-kriżi, huma meħtieġa passi deċiżivi biex tintemm il-“kompetizzjoni għas-sussidji” bejn l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija fossili. Fir-Rapport tagħha, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda ħjiel f’dan ir-rigward.

2.14.

Il-KESE jirrimarka li r-Rapport tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija ma jagħtix attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-ispejjeż u l-konsegwenzi relatati mal-pilastru tal-istrateġija Ewropea dwar it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tesplora aktar kif dan it-tnaqqis jista’ jaffettwa diversi kuntesti reġjonali, u tiddeskrivi l-għodod meħtieġa biex jittaffew l-effetti tiegħu.

2.15.

Il-politiki dwar il-klima ser ikollhom impatt qawwi fuq il-ħaddiema u n-negozji u ser jirrikjedu taħriġ estensiv, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Din it-tranżizzjoni għandha tintuża bħala opportunità biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin fis-setturi u fir-reġjuni kollha. It-Tranżizzjoni Ġusta ma titqiesx biżżejjed fir-Rapport. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni ġusta, b’enfasi partikolari fuq l-impatti fuq il-ħaddiema, l-impjiegi u s-sistema industrijali. Bl-istess mod, l-involviment tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp ta’ politiki għas-sostenibbiltà, għas-sigurtà u għas-solidarjetà għandu jkun wieħed kontinwu u strutturali fin-natura tiegħu. Il-KESE jenfasizza li t-“tranżizzjoni ġusta” mhijiex biss kwistjoni ta’ finanzjament għat-tranżizzjoni. Din tinkludi wkoll l-objettiv tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħolqien ta’ xogħol deċenti, l-impjiegi ta’ kwalità u s-sigurtà soċjali, u ż-żamma u ż-żieda tal-kompetittività tan-negozji Ewropej, u tirrikjedi azzjoni speċifika fil-livelli kollha, b’mod partikolari f’dak reġjonali.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara COM(2015) 80 final dwar “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija — Pjan ta’ azzjoni tal-UE”

(COM (2022) 552 final)

(2023/C 184/17)

Relatur:

Thomas KATTNIG

Korelatur:

Zsolt KÜKEDI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 25.11.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

7.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

198/1/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-objettivi u jilqa’ l-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni. B’mod partikolari, il-KESE diġà għamel ċara r-rabta bejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-trasformazzjoni diġitali, billi indika l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija, intensità tal-enerġija mnaqqsa u ġestjoni aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija. Madankollu, għalkemm l-attitudni ottimista tal-pjan ta’ azzjoni hija ta’ ispirazzjoni, il-Kummissjoni għandha t-tendenza li tinjora l-fatt li r-realtà fiżika hija differenti ħafna mill-każijiet ta’ użu tad-diġitalizzazzjoni li jissemmew fil-pjan ta’ azzjoni.

1.2

Minkejja li kemm l-approċċ strateġiku kif ukoll il-miżuri speċifiċi tal-pjan ta’ azzjoni jippuntaw fid-direzzjoni t-tajba, il-Kummissjoni tonqos milli tintegra l-pjan ta’ azzjoni fil-politika ġenerali dwar l-enerġija. Approċċ kompartimentalizzat li jiffoka biss fuq id-diġitalizzazzjoni u li jinjora l-qafas ġenerali mhux se jiġġenera l-benefiċċji li huma spjegati kif imiss fil-pjan ta’ azzjoni. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija trid toħloq soluzzjonijiet kooperattivi li fihom jiġu pprovduti inċentivi għall-utenti biex jipparteċipaw fis-sistema tal-enerġija diġitalizzata; pereżempju, l-użu ta’ arloġġi intelliġenti u l-użu ta’ vetturi elettriċi bi ċċarġjar bidirezzjonali li jappoġġjaw l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku. Il-kummerċ bejn il-pari, l-awtokonsum virtwali u l-kondiviżjoni tal-enerġija kollha jeħtieġu għodod diġitali. Madankollu, jew huma l-ostakli amministrattivi li jagħmlu dawn il-prattiki mhux attraenti jew hemm nuqqas ta’ inċentivi effettivi.

1.3

Il-KESE jikkonferma li huwa definittivament meħtieġ li s-sistema tal-enerġija ssir aktar intelliġenti u aktar flessibbli, iżda s-sistema tal-enerġija bħalissa tinsab taħt pressjoni minn nuqqasijiet bħall-inflessibbiltà tan-network tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni li tirriżulta minn nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija. Minkejja li ċerti fornituri tal-enerġija għamlu profitti sinifikanti, ma ġiex investit biżżejjed fi grilji intelliġenti biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-espansjoni u t-trasformazzjoni tal-grilji għadhom lura minħabba li l-qafas regolatorju ma jinċentivax l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-flessibilizzazzjoni, fost affarijiet oħra, u l-grilji eżistenti ma baqgħux adatti għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija volatili. Sabiex jiġi evitat qtugħ tan-network fis-sistema tal-enerġija diġitalizzata, jeħtieġ li b’mod urġenti nibdew nittrasformaw is-sistema tal-enerġija tagħna billi niżviluppaw u nespandu n-network (grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni).

1.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tinkorpora l-ideat li fuqhom tissejjes il-“promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura diġitali tal-elettriku” f’emenda għall-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (1) dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, u tiżgura qafas regolatorju li jinċentiva b’mod effettiv l-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-grilji tal-elettriku. B’mod parallel, jeħtieġ li jiġu żviluppati swieq tal-flessibbiltà biex il-konsum, il-ġenerazzjoni u l-prosum flessibbli bbażati fuq it-teknoloġiji diġitali jsiru attraenti.

1.5

Aktar minn sitt snin wara l-preżentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, kemm il-komunitajiet tal-enerġija kif ukoll l-awtokonsum kollettiv għadhom jaqdu biss rwol minuri fis-sistemi tal-enerġija tal-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea s’issa injorat l-eżistenza ta’ ostakli għal dawn il-forom ta’ ġenerazzjoni u konsum tal-enerġija. L-Ewropej iridu jingħataw inċentivi li eventwalment jikkonvinċuhom u jimmotivawhom biex jiddiġitalizzaw l-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-enerġija. F’ħafna każijiet, jinħtieġ ukoll intitolament legali u amministrattiv ċar. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi korrispondenti, inkluż appoġġ dirett li jippermetti lill-komunitajiet tal-enerġija u lill-prosumaturi kollettivi jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, fejn, b’mod speċjali f’termini tas-sigurtà tal-provvista, dawn il-forom ta’ ġenerazzjoni u konsum iridu jsiru parti kruċjali tas-sistema. Inkella, l-għodod diġitali mhux ħa jagħmlu differenza.

1.6

Il-KESE jtenni li, bl-approċċ it-tajjeb, struttura tal-provvista tal-enerġija newtrali għall-klima, deċentralizzata u diġitalizzata jista’ jkollha effetti pożittivi sinifikanti fuq l-impjieg u l-ekonomija, speċjalment l-ekonomiji reġjonali (2). Fil-kriżi attwali l-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ ġenerali fil-konfront tal-politika tal-enerġija li jgħaqqad kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-enerġija u l-klima mal-objettivi tal-politika għall-koeżjoni soċjali u reġjonali.

1.7

Madankollu, il-KESE jinnota li politika ta’ bidla tista’ tirnexxi biss jekk tqis id-diversi dinamiċi soċjali attivi fit-tranżizzjoni u tindirizzahom fl-istrateġiji u l-miżuri tagħha. Għandna nsaħħu r-rwol tal-konsumaturi attivi fid-diġitalizzazzjoni u nħeġġuhom u nagħtuhom id-dritt jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet intelliġenti, peress li dawn jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni tas-suq intern tal-enerġija; jeħtieġ ukoll li jitqiesu l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. L-għodod għandhom ikunu faċli għall-utent u għandha tingħata attenzjoni lill-gruppi vulnerabbli u lill-persuni b’diżabilità. Għalhekk, politika għal tranżizzjoni ġusta u ġestjoni politika attiva tal-bidla hija indispensabbli. Jekk id-dimensjoni soċjali tiġi injorata fl-implimentazzjoni, it-trasformazzjoni tirriskja li tfalli minħabba r-reżistenza pubblika.

1.8

Fir-rigward tat-tfassil futur tas-sistemi u l-infrastruttura tal-enerġija, il-KESE kemm-il darba enfasizza li l-konsumaturi kollha għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti u li għandhom jiġu stabbiliti inċentivi sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Hija importanti ħafna l-“konnessjoni tal-innovaturi lokali u reġjonali”, kif imsemmi mill-Kummissjoni fil-punt 7.3. Azzjoni kollettiva bħall-kooperazzjoni bejn il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti tista’ toħloq l-aħjar u l-aktar soluzzjonijiet affordabbli li reġjun kwalunkwe jista’ jkollu bżonn.

1.9

Il-politiki diġitali u tal-enerġija tal-UE diġà qed jiggwidaw id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija, peress li kwistjonijiet bħall-interoperabbiltà tad-data, is-sigurtà tal-provvista u ċ-ċibersigurtà, il-ksur tal-privatezza u l-protezzjoni tal-konsumatur ma jistgħux jitħallew f’idejn is-suq biss u l-implimentazzjoni adatta tagħhom hija kruċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrimarka li ksur tal-privatezza u l-użu ħażin tad-data għandhom jiġu evitati b’kull mezz. Dan jinkludi mhux biss prekawzjonijiet tekniċi, iżda wkoll responsabbiltà u monitoraġġ ta’ dan l-ispazju tad-data mill-awtoritajiet tal-istat soġġetti għal kontroll politiku u demokratiku. Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' data tal-infrastruttura kritika.

1.10

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tgħid li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni ma ddgħajjifx il-qafas għall-protezzjoni tal-konsumatur diġà stabbilit fis-suq intern tal-elettriku. Il-KESE jieħu nota ta’ dan u jżid li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom jiġu adattati u mtejba fis-suq tal-enerġija. Il-konsumaturi m’għandhomx ikunu żvantaġġati jew mitlubin iħallsu żżejjed. Dawn għandhom jibbenefikaw minn għodod diġitali li, jekk jiġu żviluppati b’mod korrett, jistgħu jgħinu biex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumatur.

1.11

Għall-inizjattivi kollha, huwa importanti li l-konsumaturi jkollhom arloġġ intelliġenti fi djarhom. Dan għadu mhux il-każ f’ħafna Stati Membri, u għalhekk hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex il-kejl intelliġenti tal-konsum tal-enerġija jintuża b’mod aktar wiesa’ bħala prerekwiżit fundamentali għall-biċċa l-kbira tas-soluzzjonijiet diġitali fis-settur tal-enerġija, speċjalment għall-provvista tal-elettriku u, fuq livell inqas, għall-provvista tal-gass. L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx kompletament l-arloġġi intelliġenti jeħtieġ li jħaffu dan u jżidu l-objettivi nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ din l-implimentazzjoni. L-evidenza internazzjonali turi li d-distribuzzjoni tal-arloġġi intelliġenti hija l-aktar effettiva meta l-operaturi tal-grilja jkunu responsabbli. L-arloġġi intelliġenti għandhom jitqiesu bħala parti integrali mill-grilja tal-elettriku.

1.12

Hemm ir-riskju li servizzi ġodda mmexxija mid-data u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ma jiġux implimentati malajr biżżejjed jekk ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tas-sengħa u professjonisti mħarrġa biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-miżuri ta’ politika meħtieġa dwar is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni jeħtieġu riżorsi finanzjarji suffiċjenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġi żgurat approċċ koordinat. Il-KESE jemmen li kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali hija essenzjali f’dan ir-rigward.

1.13

Iċ-ċibersigurtà hija rekwiżit essenzjali biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-sistema tal-enerġija dejjem aktar diġitalizzata. L-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar deċennji, u b’mod partikolari l-avvenimenti reċenti, juru l-periklu ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika. Madankollu, jistgħu jinqalgħu problemi mhux biss bħala riżultat ta’ attakki ċibernetiċi jew azzjonijiet ta’ sabotaġġ, iżda wkoll minn fallimenti ta’ hardware u software, u għalhekk il-Kummissjoni trid tagħti attenzjoni speċjali lid-disinn tal-hardware u s-software matul id-diġitalizzazzjoni biex tiżgura r-robustezza. Il-falliment jew tfixkil ta’ infrastruttura kritika jista’ jikkawża nuqqasijiet devastanti fil-provvista u jipperikola s-sikurezza pubblika. Ġenerazzjoni u użu aktar deċentralizzati tal-enerġija flimkien mal-internet iżidu l-opportunitajiet għal attakki kif ukoll riskji relatati maċ-ċibernetika. Is-sistema tal-enerġija diġitalizzata (kemm f’termini ta’ hardware kif ukoll ta’ software) trid tkun affidabbli, u tiżgura disponibbiltà kontinwa.

1.14

Il-KESE jemmen li strateġija kkombinata għat-tranżizzjoni tal-enerġija u d-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali ma ngħatatx il-livell mistenni ta’ attenzjoni u appoġġ. Huwa jsejjaħ għall-implimentazzjoni rapida tal-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati taħt il-Patt Rurali tal-UE.

2.   Sfond

2.1

Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bl-għan li tmexxi ’l quddiem id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija għandu l-għan li jilħaq l-objettivi stabbiliti fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika dwar it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, bil-għan li t-teknoloġiji diġitali jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ soċjetà newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, filwaqt li jiżgura li kulħadd ikun jista’ jibbenefika minn din it-tranżizzjoni.

2.2

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tagħha, il-Kummissjoni tipproponi sett ta’ azzjonijiet f’ħames oqsma: il-promozzjoni tal-konnettività, l-interoperabbiltà u skambji bla xkiel ta’ data dwar l-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ spazju komuni tad-data; il-promozzjoni u l-koordinazzjoni tal-investiment fil-grilja intelliġenti; l-għoti ta’ servizzi aħjar abbażi tal-innovazzjoni diġitali sabiex il-konsumaturi jkunu involuti fit-tranżizzjoni tal-enerġija; l-iżgurar taċ-ċibersigurtà fis-sistema tal-enerġija; u l-iżgurar li l-ħtiġijiet tal-enerġija li dejjem qed jikbru tas-settur tal-ICT ikunu konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni temmen li d-diġitalizzazzjoni tista’ ttejjeb l-affordabbiltà, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija tal-UE.

2.3

Is-soluzzjonijiet intelliġenti huma mfassla biex il-konsumaturi jingħataw aktar kontroll fuq il-konsum tal-enerġija u l-kontijiet tagħhom, b’hekk itejbu l-ġestjoni tal-użu tal-enerġija, minkejja li ħafna konsumaturi finali jistgħu jifhmu dan il-potenzjal mingħajr ma jeħtieġu soluzzjoni intelliġenti. Servizzi innovattivi tal-enerġija għandhom inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-enerġija għandha tintuża meta tkun irħisa. L-arloġġi intelliġenti jipprovdu informazzjoni importanti biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija, eż. l-iċċarġjar intelliġenti tal-vetturi elettriċi, il-pompi tas-sħana intelliġenti flimkien mal-pannelli fotovoltajċi. L-arloġġi intelliġenti jgħinu lill-klijenti jikkontrollaw id-data fil-kontijiet tagħhom u jippermettulhom jeliminaw kontijiet żbaljati u kontijiet b’lura, li bħalissa huma fost l-akbar preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi. Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi appoġġ għall-għodod diġitali, li jservu l-interess tal-konsumaturi u f’xi każijiet jiġu żviluppati f’kollaborazzjoni magħhom, ħiliet diġitali mtejba, finanzjament għal soluzzjonijiet diġitali intelliġenti permezz ta’ programmi li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, appoġġ għar-regolaturi nazzjonali fid-definizzjoni u l-monitoraġġ ta’ indikaturi tal-grilja intelliġenti komuni, il-ħolqien ta’ spazju komuni Ewropew għad-data dwar l-enerġija u l-involviment mill-qrib tal-partijiet interessati rilevanti kollha, b’mod partikolari l-operaturi tal-grilja u l-fornituri tal-enerġija.

2.4

Skont il-Kummissjoni, it-teknoloġiji tal-ICT joffru potenzjal kbir ta’ ekoloġizzazzjoni. Is-soluzzjonijiet diġitali għandhom jgħinu biex jiġu bbilanċjati l-provvista, il-ħżin u d-domanda tal-enerġija u biex is-sistema tal-enerġija ssir aktar flessibbli, u jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati. Is-swieq tal-flessibbiltà jeħtieġ li jiġu żviluppati sabiex l-investimenti fl-għażliet ta’ flessibbiltà jsiru attraenti, irrispettivament minn jekk dawn l-investimenti jsirux minn ġeneraturi, konsumaturi jew prosumaturi jibbenefikaw mill-għodod diġitali.

2.5

Fl-istess ħin, il-pjan ta’ azzjoni jenfasizza l-ħtieġa li jitrażżan il-konsum tal-enerġija li qed jiżdied fis-settur tal-ICT. Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ tewmi diġitali tal-grilja elettrika Ewropea, l-appoġġ għall-komunitajiet tal-enerġija permezz ta’ għodod diġitali, l-iżvilupp ta’ tikketti relatati mal-enerġija għall-kompjuters, iċ-ċentri tad-data u l-blockchains, u l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta tal-UE għas-sostenibbiltà tan-networks tat-telekomunikazzjoni.

2.6

F’sistema tal-enerġija dejjem aktar diġitalizzata b’ġenerazzjoni, trażmissjoni u distribuzzjoni deċentralizzati tal-enerġija u apparati konnessi b’mod aktar diġitali fid-djar, qed jiżdied ir-riskju ta’ spjunaġġ, ċiberkriminalità u falliment tal-hardware relatati mal-konsum tal-enerġija. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi miżuri taċ-ċibersigurtà kkoordinati tajjeb biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tas-sistema.

2.7

Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi li dan jeħtieġ kemm azzjoni fuq terminu medju u twil, kif ukoll qafas ta’ governanza. Il-Kummissjoni tispjega li se tinvolvi diversi komunitajiet ta’ partijiet ikkonċernati, negozji u msieħba internazzjonali u tinnota li l-finanzjament pubbliku limitat irid jintuża b’mod għaqli u huwa meħtieġ aktar investiment privat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni ġustament tindirizza l-potenzjal enormi tat-teknoloġiji diġitali biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku. Il-KESE jappoġġja dawn l-objettivi u jilqa’ l-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti fil-pjan ta’ azzjoni. B’mod partikolari, il-KESE diġà għamel ċara r-rabta bejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-trasformazzjoni diġitali, billi indika l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija, intensità tal-enerġija mnaqqsa u ġestjoni aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija. Madankollu, għalkemm l-attitudni ottimista tal-pjan ta’ azzjoni hija ta’ ispirazzjoni, il-Kummissjoni għandha t-tendenza li tinjora l-fatt li r-realtà fiżika hija differenti ħafna mill-każijiet ta’ użu tad-diġitalizzazzjoni li jissemmew fil-pjan ta’ azzjoni.

3.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-enerġija huma: id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa; it-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija; l-iżgurar ta’ suq intern tal-enerġija integrat; it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija; l-espansjoni rapida tal-grilja tal-enerġija; l-iżgurara tas-sigurtà tal-provvista; id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; it-tnaqqis tal-emissjonijiet; it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx tal-karbonju, b’teknoloġiji b’livell baxx tal-karbonju u ta’ enerġija nadifa; iż-żieda u l-espansjoni massiva tal-enerġija rinnovabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi; il-promozzjoni tar-riċerka u l-edukazzjoni relatati; l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta; u l-appoġġ tad-dimensjoni soċjali tal-enerġija, bħat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija l-bażi għal dan u tista’ tgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi ewlenin kollha.

3.3

Filwaqt li kemm l-approċċ strateġiku kif ukoll il-miżuri speċifiċi tal-pjan ta’ azzjoni jippuntaw fid-direzzjoni t-tajba, il-Kummissjoni tonqos milli tintegra l-pjan ta’ azzjoni fil-politika ġenerali dwar l-enerġija. Approċċ kompartimentalizzat li jiffoka biss fuq id-diġitalizzazzjoni u li jinjora l-qafas ġenerali mhux se jiġġenera l-benefiċċji li huma spjegati kif imiss fil-pjan ta’ azzjoni.

3.4

Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti stampa ta’ stat ideali li jibni fuq sistema tal-enerġija żviluppata sew (eż. networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni) u jiddiġitalizzaha. Madankollu, fl-Ewropa, in-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni għandhom jiġu żviluppati l-ewwel qabel ma tkun tista’ tiġi żviluppata teknoloġija diġitali kumplessa. Qed niddiġitalizzaw għalxejn jekk l-enerġija ġestita b’mod intelliġenti ma tkunx tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ networks tat-trażmissjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, ammont kbir ta’ enerġija tinħela fuq networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. Anke llum, l-ispiża tal-elettriku ekoloġiku li ma jistax jintuża jew jiġi trażmess u li trid titnaqqas kienet tammonta għal aktar minn EUR 2 biljun qabel il-kriżi tal-enerġija u ammontat għal aktar minn EUR 12-il biljun matul il-kriżi tal-enerġija f’pajjiżi kbar bħall-Ġermanja. Jekk il-grilji tal-elettriku u l-kapaċitajiet tal-ħżin kompatibbli mas-sistema ma jiġux estiżi malajr u fl-istess ħin ma jinstabux modi aħjar għall-użu tal-elettriku direttament fuq il-post, dan it-telf ekonomiku se jiżdied bosta drabi.. Id-diġitalizzazzjoni f’dan il-qasam jista’ jkollha rwol fl-identifikazzjoni ta’ dan it-telf u fl-użu tad-data ġġenerata b’dan il-mod fl-iżvilupp tan-network.

3.5

Huwa minnu li hemm bżonn ta’ investiment konsiderevoli fl-infrastruttura tal-enerġija biex il-grilji jsiru intelliġenti. Huwa minnu wkoll li ħafna Stati Membri ma jinċentivawx tali investiment peress li r-regolamentazzjoni tagħhom turi preġudizzju ċar lejn in-nefqa kapitali (CapEx), u l-investiment fid-diġitalizzazzjoni huwa prinċipalment nefqa operazzjonali (OpEx). Il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta’ tali investiment u l-progress assoċjat mhux se jkunu biżżejjed. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tinkorpora l-ideat li fuqhom tissejjes il-“promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura diġitali tal-elettriku” f’emenda għall-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, u tiżgura qafas regolatorju li jinċentiva b’mod effettiv l-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-grilji tal-elettriku.

3.6

Il-Kummissjoni Ewropea ġustament tirrimarka li l-għodod diġitali jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ skemi kollettivi ta’ awtokonsum u komunitajiet tal-enerġija. Kemm il-gwida kif ukoll il-pjattaforma ta’ esperimentazzjoni ppjanata jistgħu jgħinu, iżda mhumiex l-aktar aspetti importanti. Aktar minn ħames snin wara l-preżentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, kemm il-komunitajiet tal-enerġija kif ukoll l-awtokonsum kollettiv għad hom jaqdu biss rwol minuri fis-sistemi tal-enerġija tal-Ewropa. F’ħafna każi, ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma ostakli burokratiċi sinifikanti u nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa tal-konsumaturi u l-produtturi. Il-Kummissjoni Ewropea s’issa injorat l-eżistenza ta’ dawn l-ostakli. L-Ewropej iridu jingħataw inċentivi li eventwalment jikkonvinċuhom u jimmotivawhom biex jiddiġitalizzaw l-attivitajiet kollha tagħhom relatati mal-enerġija. Is-sistema tal-enerġija diġitalizzata kollha kemm hi trid tkun tant attraenti għall-partijiet li joperaw f’dik is-sistema li mhux biss l-inċentivi finanzjarji jgħinu biex tinħoloq din is-sistema tal-enerġija diġitalizzata, iżda l-ambjent kollu jħeġġiġhom joħolqu sistema tal-enerġija kkontrollata, ġestita u sigura. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi korrispondenti, inkluż appoġġ dirett li jippermetti lill-komunitajiet tal-enerġija u lill-prosumaturi kollettivi jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, billi jitqiesu wkoll l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Inkella, l-għodod diġitali mhux ħa jagħmlu differenza.

3.7

L-iċċarġjar bidirezzjonali tal-vetturi elettriċi huwa każ ieħor promettenti ħafna li juri li konsumaturi aktar attivi jistgħu jikkontribwixxu direttament għall-istabbiltà tas-sistema bis-saħħa tat-teknoloġija diġitali, inkluż l-ICT, kemm min-naħa tal-grilja kif ukoll min-naħa tal-konsumatur. Madankollu, kważi ma hemm l-ebda każ ta’ negozju għall-iċċarġjar bidirezzjonali tal-vetturi elettriċi fl-Ewropa kollha peress li s-suq ma kienx imfassal biex jipprovdi inċentivi bbażati fuq is-suq għall-alimentazzjoni ta’ elettriku flessibbli ’l ġewwa u ’l barra. Fl-isforzi tagħha biex tfassal is-suq mill-ġdid, il-Kummissjoni għandha tiffoka b’mod partikolari fuq it-tfassil ta’ suq li jagħmel każijiet bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu 4.2 tal-pjan ta’ azzjoni attraenti u jgħin biex jiġu integrati; hawnhekk, l-iċċarġjar bidirezzjonali jista’ jintuża wkoll fil-futur mill-operaturi tan-network bħala fattur fil-kontroll tat-tagħbija, li għandu jitqies ukoll fil-leġiżlazzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

3.8

Il-KESE jtenni li, bl-approċċ it-tajjeb, struttura tal-provvista tal-enerġija newtrali għall-klima, deċentralizzata u diġitalizzata jista’ jkollha effetti pożittivi sinifikanti fuq l-impjiegi u l-ekonomija, speċjalment l-ekonomiji reġjonali (3). Fil-kriżi attwali l-Unjoni Ewropea teħtieġ approċċ ġenerali fil-konfront tal-politika tal-enerġija li jgħaqqad kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-enerġija u l-klima mal-objettivi tal-politika għall-koeżjoni soċjali u reġjonali.

3.9

Il-KESE jenfasizza li t-tfassil teknokratiku tal-kundizzjonijiet qafas ekonomiċi u l-promozzjoni finanzjarja ta’ teknoloġiji ġodda, speċjalment id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, għandhom rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li politika ta’ bidla tista’ tirnexxi biss jekk tqis id-diversi dinamiċi soċjali attivi fit-tranżizzjoni u tindirizzahom fl-istrateġiji u l-miżuri tagħha. Għandna nsaħħu r-rwol tal-konsumaturi fid-diġitalizzazzjoni u nħeġġuhom jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet intelliġenti, peress li dawn jistgħu jgħinu biex itejbu l-effiċjenza u l-prestazzjoni tas-suq intern tal-enerġija; jeħtieġ ukoll li jiġu involuti l-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-enerġija biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għalhekk, politika għal tranżizzjoni ġusta u ġestjoni politika attiva tal-bidla hija indispensabbli. Jekk id-dimensjoni soċjali tiġi injorata fl-implimentazzjoni, it-trasformazzjoni tirriskja li tfalli minħabba r-reżistenza pubblika.

3.10

It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tista’ tiġġenera profitti mhux mistennija għall-fornituri tas-servizzi, li jistgħu jitolbu tariffi ogħla għas-soluzzjonijiet il-ġodda tagħhom. Madankollu, servizzi innovattivi, apps u sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jistgħu jilliberaw il-potenzjal enormi mhux sfruttat għall-utenti tal-enerġija, u b’hekk jiġġeneraw solliev għall-konsumaturi li jsofru minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tgħin biex il-prezzijiet fis-suq ikunu komparabbli, biex il-prezzijiet għal għażliet ta’ flessibbiltà bħat-trasferiment tat-tagħbija jkunu ġusti u biex jiġi żvelat fi stadju bikri tal-proċess tas-suq li l-konsumaturi tal-enerġija, bħall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, jistgħu jħallsu inqas għas-servizz ipprovdut. Pereżempju, soluzzjonijiet intelliġenti għall-kontabbiltà tal-enerġija jistgħu jagħtu lill-persuni soċjalment żvantaġġati l-opportunità li jużaw enerġija daqs kemm jistgħu jħallsu u ma jippermettulhomx jidħlu f’dejn.

3.11

Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tqis ir-realtà tas-suq tal-arloġġi intelliġenti u tintervjeni jekk ikun meħtieġ. L-installazzjoni prevista ta’ arloġġi intelliġenti tista’ twassal għal spejjeż għoljin għall-kerrejja. Fil-prattika, ftit li xejn hemm kompetizzjoni bejn id-diversi fornituri tas-servizzi b’rabta mal-kejl tal-konsum tal-enerġija. L-inkjesti settorjali fil-Ġermanja u fl-Awstrija wrew li hemm indikazzjonijiet konsiderevoli tal-eżistenza ta’ oligopolju mhux kompetittiv fis-settur tal-kejl separat tal-konsum tal-enerġija (4). Sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni, għandu jiġi żgurat li l-apparati ta’ reġistrazzjoni tal-konsum ikunu jistgħu jintużaw ukoll minn fornituri terzi. Inkella, bidla fil-kumpanija tal-fatturazzjoni tkun dejjem assoċjata mal-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-apparati eżistenti għar-reġistrazzjoni tal-konsum.

3.12

F’dan il-kuntest, il-KESE jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li soċjetà tal-enerġija fuq żewġ livelli għandha tiġi evitata akkost ta’ kollox. Mhuwiex aċċettabbli li familji mgħammra tajjeb finanzjarjament u teknikament biss jibbenefikaw mit-tranżizzjoni enerġetika u li l-familji l-oħra kollha jkollhom iġarrbu l-ispejjeż. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-inċentivi u l-għodod għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika biex jiġu megħjuna l-klijenti u l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, u jirrimarka li miri ambizzjużi għat-tisħin/tkessiħ distrettwali jistgħu jaggravaw il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali.

3.13

Fir-rigward tat-tfassil futur tas-sistemi u l-infrastruttura tal-enerġija, il-KESE kemm-il darba enfasizza li l-konsumaturi kollha – l-unitajiet domestiċi, in-negozji u l-komunitajiet tal-enerġija – għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-enerġija intelliġenti u li għandhom jiġu stabbiliti inċentivi sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa fit-tranżizzjoni tal-enerġija, iżda wkoll sabiex tgħin fil-finanzjament tagħha. Hija importanti ħafna l-“konnessjoni tal-innovaturi lokali u reġjonali”, kif imsemmi mill-Kummissjoni fil-punt 7.3. Azzjoni kollettiva bħall-kooperazzjoni bejn bliet intelliġenti u komunitajiet tista’ toħloq l-aħjar u l-aktar soluzzjonijiet affordabbli li reġjun jista’ jkollu bżonn.

3.14

Il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi l-ħolqien ta’ spazju komuni Ewropew tad-data dwar l-enerġija u governanza tajba biex jiġu żgurati skambji kkoordinati u l-użu tad-data dwar l-enerġija fil-livell tal-UE. Il-politiki diġitali u tal-enerġija tal-UE diġà qed jiggwidaw id-diġitalizzazzjoni tal-enerġija, peress li kwistjonijiet bħall-interoperabbiltà tad-data, is-sigurtà tal-provvista u ċ-ċibersigurtà, il-ksur tal-privatezza u l-protezzjoni tal-konsumatur ma jistgħux jitħallew f’idejn is-suq biss u l-implimentazzjoni adatta tagħhom hija kruċjali. F’dan il-kuntest, il- KESE jirrimarka li l-ksur tal-privatezza u l-użu ħażin tad-data għandhom jiġu evitati b’kull mezz. Dan jinkludi mhux biss prekawzjonijiet tekniċi, iżda wkoll responsabbiltà u monitoraġġ ta’ dan l-ispazju tad-data mill-awtoritajiet tal-istat soġġetti għal kontroll politiku u demokratiku. Is-sjieda tad-data pubblika trid tiġi promossa peress li d-data hija fattur ekonomiku importanti f’soċjetà f’network u diġitalizzata. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu impediti l-monopolji privati tad-data tal-GAFA (5). Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta’ data tal-infrastruttura kritika.

3.15

L-ispazju tad-data propost huwa approċċ promettenti iżda jirrikjedi regoli ċari li jirregolaw l-aċċess għad-data anonimizzata għall-parteċipanti kollha tas-suq li huma interessati li jużaw id-data, pereżempju biex jippjanaw aħjar il-kummerċ u l-kondiviżjoni tal-enerġija. Huwa importanti li tiġi elaborata malajr il-“governanza solida” msemmija fil-pjan ta’ azzjoni billi jiġu fformulati drittijiet bażiċi għall-atturi kollha tas-suq, inklużi l-konsumaturi, il-prosumaturi, in-negozjanti tal-enerġija, eċċ.

3.16

Fir-rigward tal-koordinazzjoni strateġika fil-livell tal-UE, il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Esperti dwar l-Enerġija Intelliġenti (li qabel kien it-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti). L-għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-bini tal-qafas Ewropew għall-kondiviżjoni tad-data relatata mal-enerġija, li jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-kondiviżjoni tad-data għas-settur tal-enerġija fil-livell tal-UE, li jiddetermina l-prinċipji fundamentali u jiżgura l-konsistenza fost il-prijoritajiet u l-inizjattivi differenti tal-kondiviżjoni tad-data, u li jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ spazju komuni Ewropew tad-data għall-enerġija. Il-KESE jirrimarka li f’dan il-kuntest għandhom jiġu żviluppati linji gwida u objettivi ċari u li l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata huwa essenzjali.

3.17

L-idea li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jiġu appoġġjati fil-ħolqien ta’ tewmi diġitali tal-grilja tal-elettriku hija approċċ interessanti u tista’ tgħin biex jittejjeb l-immudellar tal-grilja. Madankollu, jeħtieġ li jiġi speċifikat eżattament x’rwol se jkollu t-tewmi diġitali fl-ippjanar tal-espansjoni tal-grilja, biex il-grilja ssir aktar intelliġenti, fl-integrazzjoni tal-għażliet ta’ flessibbiltà, inklużi l-impjanti tal-enerġija virtwali, il-prosum tal-enerġija u l-kondiviżjoni tal-enerġija, u fl-ottimizzazzjoni tar-reżiljenza. F’dan ir-rigward, jidher li huma meħtieġa wkoll emendi għad-Direttiva (UE) 2019/944.

3.18

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni ma ddgħajjifx il-qafas għall-protezzjoni tal-konsumatur diġà stabbilit fis-suq intern tal-elettriku. Il-KESE jieħu nota ta’ dan u jżid li d-drittijiet tal-konsumatur għandhom jiġu adattati u mtejba fis-suq tal-enerġija. Il-konsumaturi m’għandhomx ikunu żvantaġġati jew mitlubin iħallsu żżejjed. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli, lill-persuni b’diżabilità u lil dawk b’ħiliet diġitali baxxi. Hawnhekk huma meħtieġa regolamenti protettivi adegwati minħabba li diġà huwa evidenti li ħafna konsumaturi jitilfu l-fil tal-informazzjoni u tal-kontijiet diġitali.

3.19

Il-Komunikazzjoni tipprevedi li l-potenzjal għall-Istati Membri li jistabbilixxu prezzijiet regolati, b’mod partikolari għall-klijenti vulnerabbli u għall-persuni li jesperjenzaw faqar enerġetiku, ma jridx jiġi affettwat b’mod negattiv mid-diġitalizzazzjoni. L-għodod diġitali jippermettu wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi jimmappjaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw aħjar il-faqar enerġetiku, mentri s-settur tal-enerġija jista’ jkompli jottimizza l-operazzjonijiet tiegħu, billi jiffoka fuq is-sigurtà tal-provvista, u jipprijoritizza l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

3.20

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li tiżgura li l-proġetti ewlenin tar-riċerka u l-innovazzjoni jaħdmu flimkien biex jidentifikaw strateġiji bil-għan li l-konsumaturi jiġu involuti fit-tfassil u l-użu ta’ għodod diġitali aċċessibbli u affordabbli sa nofs l-2023. Il-KESE jinnota għal darb’oħra li għad hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti fir-riċerka u l-innovazzjoni.

F’dan l-isfond, l-investiment pubbliku f’sistemi tal-enerġija intelliġenti u rinnovabbli huwa ta’ importanza kbira f’termini tal-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, l-iżgurar ta’ prezzijiet affordabbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jirrakkomanda għal darb’oħra, bħal fl-Opinjoni ECO/569, li r-regola tad-deheb tiġi applikata għall-investiment pubbliku. Għall-inizjattivi kollha, huwa importanti li l-konsumaturi jkollhom arloġġ intelliġenti fi djarhom. Dan għadu mhux il-każ f’ħafna Stati Membri, u huwa għalhekk li hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-isforzi biex jintuża b’mod aktar wiesa’ l-kejl intelliġenti bħala prerekwiżit fundamentali għall-biċċa l-kbira tas-soluzzjonijiet diġitali fis-settur tal-enerġija. L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx kompletament l-arloġġi intelliġenti jeħtieġ li jħaffu dan u jżidu l-objettivi nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ din l-implimentazzjoni.

3.21

Hemm ir-riskju li servizzi ġodda mmexxija mid-data u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ma jiġux implimentati malajr biżżejjed jekk ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tas-sengħa u professjonisti mħarrġa biex jgħinu fl-implimentazzjoni tagħhom (6). Il-KESE jemmen li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet, għandhom jittieħdu miżuri adattati minnufih, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

3.22

Madankollu, huma meħtieġa wkoll riżorsi u programmi finanzjarji suffiċjenti biex iħarrġu lill-persuni qiegħda fit-tul, lin-nisa u liż-żgħażagħ b’mod partikolari permezz ta’ programmi speċifiċi u biex jinħolqu kundizzjonijiet qafas attraenti għalihom. Dan jinkludi garanziji ta’ impjieg kif ukoll inizjattiva ta’ taħriġ u kwalifiki u firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u edukazzjoni ulterjuri. Il-miżuri ta’ politika meħtieġa dwar is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni jeħtieġu riżorsi finanzjarji suffiċjenti kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġi żgurat approċċ koordinat.

3.23

Il-KESE jappella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tat-taħriġ u n-negozji sabiex ifasslu korsijiet ta’ taħriġ li jipprovdu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali u sostenibbli tal-ekonomija, inkluż permezz ta’ edukazzjoni ulterjuri u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u tal-intraprendituri. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 se tintuża biex jissaħħu u jiġu implimentati b’mod effettiv dawn il-miżuri.

3.24

Iċ-ċibersigurtà hija rekwiżit essenzjali biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-sistema tal-enerġija dejjem aktar diġitalizzata. L-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar deċennji, u b’mod partikolari l-avvenimenti reċenti, juru l-periklu ta’ attakki ċibernetiċi u atti ta’ sabotaġġ kontra l-infrastruttura kritika. Madankollu, jistgħu jinqalgħu problemi mhux biss bħala riżultat ta’ attakki ċibernetiċi jew azzjonijiet ta’ sabotaġġ, iżda wkoll minn fallimenti ta’ hardware u software, u għalhekk il-Kummissjoni trid tagħti attenzjoni speċjali lid-disinn tal-hardware u s-software matul id-diġitalizzazzjoni biex tiżgura r-robustezza. Il-falliment jew tfixkil ta’ infrastruttura kritika jista’ jikkawża nuqqasijiet devastanti fil-provvista u jipperikola s-sikurezza pubblika. Ġenerazzjoni u użu aktar deċentralizzati tal-enerġija flimkien mal-internet iżidu l-opportunitajiet għal attakki kif ukoll riskji relatati maċ-ċibernetika.

3.25

Il-katina tal-valur tas-sistema tal-enerġija kollha, mill-produzzjoni u t-trażmissjoni sad-distribuzzjoni u l-konsumatur, inklużi l-interfaċċi diġitali kollha tul il-perkors tagħha, tista’ tkun fil-mira ta’ attakki ċibernetiċi u attakki fiżiċi. Huwa fl-interess ta’ kulħadd fl-Ewropa li din l-infrastruttura kritika tiġi protetta aħjar. L-UE għandha tkun ippreparata aħjar għal attakki possibbli ta’ dan it-tip. Għalhekk, il-KESE jappella għal evalwazzjoni kritika immedjata tal-miżuri li ttieħdu s’issa u għal strateġija komprensiva biex l-UE tiġi protetta minn theddid bħal diżastri naturali, attakki fiżiċi u attakki ċibernetiċi. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjonijiet l-oħra tiegħu dwar din il-kwistjoni (7) u jirrakkomanda li l-investiment barrani kollu fis-setturi strateġiċi fl-UE għandu jkun konformi mal-politika tas-sigurtà tal-UE.

3.26

Is-settur tal-ICT jirrappreżenta madwar 7 % tal-konsum globali tal-elettriku. Għalhekk, bħala parti mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-enerġija dejjem jikbru tas-settur tal-ICT jitnaqqsu f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika. Il-KESE jaqbel li huwa essenzjali li jiġi indirizzat il-konsum tal-enerġija u r-riżorsi tul il-katina tal-valur tal-ICT u s-sorsi addizzjonali emerġenti ewlenin tal-konsum tal-enerġija relatat mal-ICT. Diġà jeżistu soluzzjonijiet dwar kif is-sħana residwa tista’ tintuża mill-ġdid miċ-ċentri tad-data għat-tisħin tad-djar u tan-negozji. Għalhekk, huwa importanti li s-sħana residwa tiġi ttrattata fuq l-istess livell bħas-sorsi rinnovabbli ta’ enerġija bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED III) u leġiżlazzjoni oħra relatata mal-enerġija marbuta mal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Madankollu, huma meħtieġa soluzzjonijiet konkreti u fattibbli li jistgħu jservu bħala l-aħjar prattiki biex jinkisbu l-aħjar riżultati.

3.27

Standards tekniċi interoperabbli, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u karatteristiċi ewlenin oħra ta’ sistema tal-enerġija diġitalizzata jridu jiġu żgurati globalment, f’fora internazzjonali u f’kooperazzjoni mal-pajjiżi msieħba. Sabiex isir progress fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali mal-pajjiżi msieħba permezz ta’ kuntatti bilaterali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-aspetti diġitali u ekoloġiċi fi proġetti, sħubijiet u ftehimiet ta’ kooperazzjoni relatati mal-enerġija.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jemmen li strateġija kkombinata għat-tranżizzjoni tal-enerġija u d-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali ma ngħatatx il-livell mistenni ta’ attenzjoni u appoġġ. Huwa jsejjaħ għall-implimentazzjoni rapida tal-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati taħt il-Patt Rurali tal-UE.

4.2

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata l-ugwaljanza tas-suq tax-xogħol fis-settur tal-enerġija billi jiġu eżaminati opportunitajiet għan-nisa, filwaqt li jiġi evitat li t-tranżizzjoni tal-enerġija u trasformazzjoni diġitali jkunu ta’ xkiel għall-karrieri u l-pagi tan-nisa, u billi jiġu estiżi d-djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi dwar l-ugwaljanza fil-kumpaniji tal-enerġija madwar l-Ewropa.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.

(2)  Ara ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1

(3)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1.

(4)  Pereżempju, instab li l-akbar fornitur tas-servizzi tal-kejl b’rabta mal-konsum tal-enerġija fl-Awstrija kien ipprova jeskludi fornituri terzi milli jużaw it-tagħmir tal-arloġġi intelliġenti tiegħu bl-użu ta’ forom ta’ protezzjoni tal-hardware (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni Awstrijaka (BWB), 2022).

(5)  L-erba’ ġganti tal-internet Google, Apple, Facebook u Amazon.

(6)  Abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet fl-iżvilupp tal-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati bħala l-aktar ostakli importanti għall-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali (Rapport ta’ Sinteżi disponibbli mill-portal “Semma’ Leħnek”).

(7)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 170.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu u d-diisoċjanati”

(COM(2023) 71 final — 2023/0033 (COD))

(2023/C 184/18)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 13.2.2023

Kunsill, 8.3.2023

Parlament Ewropew 13.3.2023

Bażi legali

Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

197/0/3

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost, filwaqt li jirrispetta l-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali ppreżentata fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)”

(COM(2023 63 final — 2022/025 (COD))

(2023/C 184/19)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13.2.2023

 

Kunsill, 21.2.2023

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fil-plenarja

22.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/0/3

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li diġà ta fehmtu fl-Opinjoni preċedenti tiegħu CESE 5002/2014, adottata fit-12 ta’ Novembru 2014 (1), iddeċieda li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, it-22 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 230, 14.07.2015, p. 91.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE biex tagħmel is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni aktar attraenti għall-kumpaniji u biex tiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li tħassar id-Direttiva 2001/34/KE”

(COM(2022) 760 final — 2022/0405 (COD))

dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strutturi ta’ ishma b’vot multiplu f’kumpaniji li jfittxu l-ammissjoni għan-negozjar tal-ishma tagħhom f’suq tat-tkabbir tal-SMEs”

(COM(2022) 761 final — 2022/0406 (COD))

u dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1129, (UE) Nru 596/2014 u (UE) Nru 600/2014 sabiex is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni jsiru aktar attraenti għall-kumpaniji u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u medji”

(COM(2022) 762 final — 2022/0411 (COD))

(2023/C 184/20)

Relatur:

Kęstutis KUPŠYS

Konsultazzjonijiet

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 6.2.2023 (COM(2022) 760 final u COM(2022) 762 final);

8.2.2023 (COM(2022) 761 final)

Parlament Ewropew, 1.2.2023

Bażi legali

Artikoli 50(1), 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

2.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

23.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

123/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Żieda fil-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-kumpaniji Ewropej hija kruċjali sabiex jiġi żgurat l-irkupru wara l-COVID-19 u biex tinbena sistema ekonomika Ewropea reżiljenti fid-dawl tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-Att dwar il-kwotazzjoni fil-borża propost mill-Kummissjoni.

1.2.

Il-Kumitat jemmen li jekk il-kumpaniji tal-familja jinġiebu fis-swieq kapitali, dan jagħti lok biex jiġi sfruttat il-potenzjal mhux mimsus ħalli jiġi attirat il-kapital għat-tkabbir, u r-reġim tad-drittijiet tal-vot multiplu jgħin lill-familji jżommu l-kontroll, u b’hekk il-kwotazzjoni fil-borża issir aktar attraenti għalihom. Il-KESE jaqbel li għandu jiġi prodott tfassil ta’ qafas dettaljat fil-livell nazzjonali, filwaqt li titħeġġeġ armonizzazzjoni ta’ livell għoli tal-UE.

1.3.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi ssemplifikat il-kontenut ta’ prospett li jnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piż għall-emittenti.

1.4.

B’mod ġenerali, il-Kumitat jilqa’ l-proposta li l-emittenti jingħataw l-għażla li jippubblikaw prospett bl-Ingliż biss, peress li din hija l-lingwa komuni stabbilita tal-investituri internazzjonali. Madankollu, il-pubblikazzjoni ta’ dokument fuq skala sħiħa, u mhux biss is-sommarju, bil-lingwi nazzjonali tawtonomizza lill-investituri lokali fil-livell tal-konsumatur. Il-KESE jirrakkomanda lill-emittenti jżommu f’moħħhom li l-użu ta’ dokumenti tal-ħruġ bl-“Ingliż biss” ixekkel l-iżvilupp ta’ bażi nazzjonali ta’ investiment għall-konsumatur.

1.5.

Il-KESE jinnota li r-raggruppament tar-riċerka dwar l-investiment ma’ servizzi oħra x’aktarx li jżid il-viżibbiltà tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ikkwotati. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ ż-żieda proposta fil-limitu tas-separazzjoni għal EUR 10 biljun; madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa wkoll aktar miżuri biex tiġi mħeġġa r-riċerka indipendenti.

1.6.

Il-KESE japprezza ħafna l-approċċ tal-Kummissjoni fil-mitigazzjoni tal-inċertezza tad-dritt fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni. Madankollu, il-proposta għal mekkaniżmu ta’ superviżjoni tar-reġistru tal-ordnijiet bejn is-swieq li jiffaċilita l-iskambju ta’ data dwar ir-reġistru tal-ordnijiet fost is-superviżuri tista’ toħloq ir-riskju li jinħolqu kundizzjonijiet mhux ekwivalenti, peress li ċ-ċentri tan-negozjar bilaterali jkunu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim ta’ rapportar.

2.   Sfond

2.1.

Fis-7 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ proposti (1) dwar miżuri biex tkompli tiġi żviluppata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) tal-UE. Parti mill-pakkett – Att dwar il-kwotazzjoni fil-borża ġdid – għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji ta’ kull daqs, b’mod partikolari l-SMEs, sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw aħjar il-finanzjament billi jiġu kkwotati fil-boroż.

2.2.

Il-Kummissjoni tiddikjara li s-swieq kapitali tal-UE għadhom frammentati u sottożviluppati fid-daqs. L-istudji juru li l-għadd totali ta’ kumpaniji kkwotati fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs fl-Ewropa bilkemm żdied mill-2014 (2), minkejja l-fatt li dawk ikkwotati gawdew minn benefiċċji ċari, kif muri miż-żieda fil-valutazzjoni tas-suq tagħhom. B’mod ġenerali, il-kumpaniji kkwotati jżidu d-dħul tagħhom, joħolqu aktar impjiegi u jkabbru l-karti tal-bilanċ tagħhom b’pass aktar mgħaġġel mill-pari tagħhom mhux ikkwotati. Għadd ta’ studji jipprovdu evidenza ta’ sitwazzjoni subottimali fir-rigward tal-offerti pubbliċi inizjali (IPO) tal-SMEs fl-Ewropa.

2.3.

L-Att dwar il-kwotazzjoni fil-borża jistabbilixxi regoli ta’ kwotazzjoni fil-borża aktar sempliċi u mtejba, b’mod partikolari għall-SMEs, filwaqt li jfittex ukoll li jevita li jipperikola l-protezzjoni tal-investitur u l-integrità tas-suq.

2.4.

L-Att jiddikjara li jiżgura tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż u li jikkontribwixxi biex jiżdied l-għadd ta’ IPOs fl-UE. Regoli aktar sempliċi dwar il-prospett jagħmluha aktar faċli u irħas għall-kumpaniji biex jiġu kkwotati. Il-fatt li l-kumpaniji jitħallew jużaw ishma bi drittijiet ta’ vot multiplu meta jiġu kkwotati għall-ewwel darba fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs jipprovdi opportunità għas-sidien biex iżommu l-kontroll tal-viżjoni tal-kumpanija tagħhom.

2.5.

Regoli aktar proporzjonati dwar l-abbuż tas-suq iwasslu wkoll għal ċarezza u ċertezza tad-dritt akbar għall-kumpaniji kkwotati dwar il-konformità mar-rekwiżiti ewlenin ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni. L-Att dwar il-kwotazzjoni fil-borża propost għandu wkoll l-għan li jtejjeb il-forniment u d-distribuzzjoni tar-riċerka dwar l-investiment fuq il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u l-SMEs, li min-naħa tagħhom għandhom jappoġġjaw il-kwotazzjoni fil-borża tagħhom fis-swieq pubbliċi.

2.6.

Benefiċċji mistennija oħra jinkludu:

informazzjoni korporattiva iqsar, aktar f’waqtha, aktar komparabbli u aktar faċli għall-investituri biex iwettqu tfittxijiet fiha;

kopertura aħjar tar-riċerka dwar l-ekwità, li tgħin biex jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment;

superviżjoni aktar effiċjenti bis-saħħa ta’ regoli tal-kwotazzjoni fil-borża aktar ċari u għodod imtejba għall-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ abbuż tas-suq;

prospetti aktar standardizzati, aktar faċli għas-superviżuri biex jagħmlu skrutinju tagħhom.

2.7.

F’konformità mal-objettivi ta’ politika ambjentali, soċjali u ffokati fuq il-governanza (ESG), l-Att dwar il-kwotazzjoni fil-borża jfittex li jiżgura li l-kumpaniji li joħorġu bonds ESG jinkludu informazzjoni rilevanti għall-ESG fid-dokumentazzjoni tal-kwotazzjoni fil-borża biex ikun aktar faċli għall-investituri li jivvalutaw il-validità tal-pretensjonijiet ESG. Il-kumpaniji li joħorġu l-ekwità se jkunu jistgħu jirreferu għall-informazzjoni dwar l-ESG diġà ppubblikata — u għalhekk disponibbli għall-pubbliku — fid-dokumentazzjoni tal-kwotazzjoni fil-borża.

3.   Kummenti ġenerali

Każ għal aċċess imtejjeb għall-kwotazzjoni fil-borża fis-swieq pubbliċi Ewropej

3.1.

Il-KESE jsostni l-fehma li żieda fil-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-kumpaniji Ewropej hija kruċjali sabiex jiġi żgurat irkupru dejjiemi wara l-COVID-19 kif ukoll biex tinbena sistema ekonomika Ewropea reżiljenti fid-dawl tal-gwerra li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna. Għal dan l-għan, l-infrastruttura tas-suq finanzjarju hija essenzjali sabiex jiġu sfruttati l-flussi ta’ investiment meħtieġa għar-rikapitalizzazzjoni tal-ekonomija.

3.2.

Swieq pubbliċi żviluppati ħafna huma importanti wkoll għall-komunità tal-investiment għall-konsumatur. L-Ewropej iżommu EUR 11-il triljun f’muniti u depożiti fil-kontijiet bankarji tagħhom (3). Is-sehem tad-depożiti fl-assi totali tal-unitajiet domestiċi huwa tliet darbiet aktar minn dak għall-unitajiet domestiċi fl-Istati Uniti. Billi naqset milli tattiva lill-investituri aħħarin biex jidderieġu l-fondi tagħhom fis-swieq kapitali Ewropej, l-UE mhijiex qiegħda tieħu vantaġġ sħiħ mill-aggregazzjonijiet ta’ kapital tagħha għall-kumpaniji tagħna. Il-maniġers tal-assi għandhom jiksbu aktar fiduċja fil-prospetti tas-suq tal-ekwità Ewropew, u l-investituri fil-livell tal-konsumatur Ewropej għandu jkollhom aktar għażliet fir-rigward tal-bini tal-portafolli tagħhom. Biex jinkiseb dan, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li provvista diversifikata ta’ emittenti ta’ kwalità għolja tiġi kkwotata fil-borża tas-swieq pubbliċi Ewropej.

3.3.

Matul żminijiet ta’ diffikultà finanzjarja korporattiva, ta’ imprevedibbiltà ekonomika, u b’mod partikolari ta’ żieda fl-ispejjeż tad-dejn, l-ekwità taġixxi bħala fattur ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ lqugħ kontra xokkijiet futuri.

3.4.

Il-Kumitat jinnota wkoll li l-finanzjament ta’ bejgħ mill-ishma mill-unitajiet domestiċi Ewropej lill-korporazzjonijiet Ewropej jgħin biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fil-livell bażiku ħafna: is-sjieda tal-assi u l-eżekuzzjoni tal-kontroll korporattiv. It-telf ta’ kumpaniji Ewropej essenzjali għall-kontroll barrani, speċjalment fl-isfera tal-influwenza ta’ pajjiżi b’valuri li huma differenti minn dawk tal-Ewropa, joħloq riskju konsiderevoli għall-istabbiltà ekonomika u politika tal-UE. Dan ixekkel ukoll l-iżvilupp, fi ħdan l-UE, tas-sistema finanzjarja bbażata fl-UE, orjentata lejn il-ħtiġijiet tal-UE. Pereżempju, il-kummerċ finanzjarju fl-UE għadu ddominat minn banek ta’ investiment mhux tal-UE (4).

3.5.

In-negozji żgħażagħ u innovattivi li jinsabu fuq quddiem nett tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali għandhom jiġu mħeġġa jfittxu kwotazzjoni fil-borża fis-swieq tal-ekwità Ewropej u jiksbu finanzjament tant meħtieġ billi joħorġu ishma nnegozjati pubblikament, peress li dan huwa l-aktar mod sostenibbli biex dawn il-kumpaniji jiġu megħjuna jisfruttaw il-potenzjal kreattiv sħiħ tagħhom u joħolqu l-impjiegi.

3.6.

Żieda fl-inflazzjoni twassal għal żieda fix-xewqa għall-investimenti fl-ekwità, speċjalment fost l-investituri fil-livell tal-konsumatur b’pożizzjoni ogħla. Is-swieq tal-ekwità Ewropej jistgħu jsiru post fejn dawn l-influssi ta’ investiment imorru għas-setturi ekonomiċi ewlenin fejn il-kumpaniji jiġġeneraw biżżejjed redditi. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa kruċjali li l-UE tikseb regoli kummerċjali sodi u robusti biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-swieq kapitali tal-UE. It-tagħlima mill-kriżi finanzjarja wriet li l-UE għandha tipproteġi s-swieq b’ġustizzja, integrità, reżiljenza u trasparenza, filwaqt li tiżgura wkoll l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-investitur.

3.7.

Analiżi mwettqa f’14-il Stat Membru tal-UE wriet li sa 17 000 kumpanija kbira huma eliġibbli biex jiġu kkwotati iżda mhumiex qed ifittxu li jagħmlu dan (5). Il-Kumitat josserva riskju li jekk l-UE tonqos milli tħeġġeġ kwotazzjoni fil-borża ġdida fis-swieq tal-ekwità, is-swieq kapitali tagħna jistgħu jaraw il-kummerċ jonqos peress li l-investituri jiddiversifikaw il-portafoll tagħhom fuq livell globali, jekk ma jkunx hemm offerti suffiċjenti ta’ titoli biex jinvestu fi ħdan l-UE.

3.8.

Ġenerazzjoni ġdida ta’ Ewropej qed jidħlu fis-suq tal-investiment għall-konsumatur billi jqisu s-sostenibbiltà (jiġifieri fatturi bbażati fuq l-ESG). Fl-istess ħin, bosta aġenti ekonomiċi qegħdin jimxu lejn għanijiet ekoloġiċi, imħeġġa mill-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-KESE jqis din il-kombinazzjoni ta’ fatturi bħala xprun qawwi potenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-tassonomija Ewropea tal-finanzi sostenibbli u l-qafas ta’ divulgazzjoni korporattiva mhux finanzjarja. Il-kumpaniji, li jaġixxu kemm b’mod volontarju kif ukoll sabiex jallinjaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE li jmiss, se jkollhom jagħmlu enfasi akbar fuq l-ESG fl-operazzjonijiet tagħhom, u l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ investituri se titlob konformità mal-ESG u impatt ambjentali soċjali u riġenerattiv li huwa pożittiv u tanġibbli fuq l-istess livell mal-gwadann finanzjarju.

3.9.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni wkoll għal xi studji li juru li l-ekonomiji b’finanzjament ibbażat fuq is-suq jallokaw mill-ġdid l-investiment lejn setturi li jniġġsu inqas u li huma aktar intensivi fit-teknoloġija (6). B’kuntrast ma’ dan, espansjonijiet intensivi fil-kreditu għandhom it-tendenza li jiġu segwiti minn reċessjonijiet aktar profondi u rkupri aktar bil-mod (7).

3.10.

Il-kisba ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ishma ta’ 100 fil-mija tal-PDG tal-UE (minn madwar 64 fil-mija bħalissa (8)) għandha tkun mira ċara. Il-KESE jemmen li ma hemm l-ebda għażla ħlief li jiġu appoġġjati s-swieq pubbliċi u li jittejjeb l-ambjent tal-IPO.

L-importanza għall-SMEs u n-negozji tal-familja

3.11.

Fil-fehma tal-KESE, l-SMEs għad ma għandhomx ir-rwol li jista’ jkollhom fis-swieq tal-ekwità. Għandhom isiru sforzi biex tinkiseb ir-reżiljenza meħtieġa għall-SMEs permezz ta’ finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma.

3.12.

Il-Kumitat jinnota li n-nuqqas ta’ investiment fl-ekwità ilu evidenti fl-Ewropa għal għexieren ta’ snin, u l-problema ta’ nuqqas ta’ kapital ta’ ekwità għall-SMEs hija akuta. L-SMEs ma għandhomx il-viżibbiltà biex jattiraw il-kapital; it-trasformazzjoni tagħhom f’kumpaniji kkwotati tipprovdi opportunitajiet aħjar fit-tul. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-fehma li l-SMEs kkwotati jeħtieġ li jsibu post adatt fil-portafolli ta’ investituri individwali (fil-livell tal-konsumatur), fondi mutwi u tal-pensjonijiet, u kumpaniji tal-assigurazzjoni.

3.13.

Suq tal-IPO li jiffunzjona tajjeb huwa importanti wkoll fl-ambjent ta’ qabel l-IPO peress li għandu impatt fuq l-ippjanar ta’ strateġiji ta’ ħruġ u għalhekk fuq il-forniment ta’ kapital ta’ riskju minn ditti ta’ kapital ta’ riskju.

3.14.

Ir-riċerka dwar l-ekwità hija għodda meħtieġa biex tiżdied il-viżibbiltà tal-SMEs u għalhekk għandha tiġi promossa. Inizjattivi bħat-titjib tal-kopertura tar-riċerka dwar l-ekwità jew il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew jgħinu biex tiżdied il-viżibbiltà tal-SMEs għall-investituri.

3.15.

Hija meħtieġa ċerta attenzjoni biex il-kumpaniji kkontrollati mill-familja jiġu mħeġġa jikkunsidraw il-kwotazzjoni fil-borża. Pereżempju, fil-Ġermanja, 90 fil-mija tal-kumpaniji kollha huma kkontrollati mill-familja, u 43 fil-mija tal-kumpaniji b’bejgħ ta’ aktar minn EUR 50 miljun huma negozji tal-familja (9). Is-sjieda tal-familja għandha l-merti tagħha; madankollu, il-potenzjal tat-tkabbir jista’ jkun (tal-anqas parzjalment) limitat jekk ma jkunx jista’ jinkiseb il-finanzjament meħtieġ. Il-KESE huwa fiduċjuż li jekk il-kumpaniji tal-familja jinġiebu fis-swieq kapitali, dan jagħti lok biex jiġi sfruttat il-potenzjal mhux sfruttat (10) u r-reġim tal-ishma bi drittijiet ta’ vot multiplu jgħin lill-familji jżommu l-kontroll, u b’hekk il-kwotazzjoni fil-borża ssir aktar attraenti għalihom.

3.16.

Il-biċċa l-kbira taċ-ċentri finanzjarji globali jipprovdu l-possibbiltà li jkun hemm ishma bi drittijiet ta’ vot multiplu. L-Ewropa teħtieġ approċċ armonizzat biex tlaħħaq mal-iżviluppi globali sabiex ma titlifx dawk in-negozji li huma lesti li jespandu.

Trasparenza u divulgazzjoni

3.17.

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-kumpaniji li jippreparaw biex ikunu kkwaotati fil-boroż għas-swieq pubbliċi se jiżdiedu meta mqabbla ma’ kumpaniji privati. Għall-kuntrarju ta’ kumpanija privata, kumpanija kkwotata pubblikament tiġbor il-flus minn azzjonisti esterni li ma jkollhomx l-istess livell ta’ informazzjoni u lanqas l-istess livell ta’ influwenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet bħal sidien ta’ kumpanija privata.

3.18.

Għalhekk, livell ferm ogħla ta’ protezzjoni tal-investitur huwa ġġustifikat u meħtieġ, eż. billi jiġu stabbiliti obbligi ta’ divulgazzjoni (inklużi dawk relatati ma’ informazzjoni privileġġjata) u standards ta’ rapportar b’saħħithom.

3.19.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li d-divulgazzjoni obbligatorja hija estermament importanti u meħtieġa għal suq pubbliku li jiffunzjona tajjeb. L-investituri jeħtieġ li jirċievu ammont effiċjenti ta’ informazzjoni dwar il-projezzjonijiet tal-valur tat-titoli. Kwalunkwe tnaqqis fid-divulgazzjoni meħtieġa ta’ informazzjoni jiskoraġġixxi l-investiment fl-emittent. Dan min-naħa tiegħu jista’ jsir ostaklu kbir għall-isfruttament sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mis-swieq kapitali.

3.20.

Madankollu, l-inklużjoni ta’ informazzjoni eċċessiva fid-dokumenti tal-offerta, sempliċiment biex tiġi evitata l-litigazzjoni, mhijiex it-triq’ il quddiem ippreferuta la għall-emittent u lanqas għall-investitur. Għandu jinstab il-bilanċ it-tajjeb.

4.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet

4.1.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-Att dwar il-kwotazzjoni fil-borża propost mill-Kummissjoni, b’għadd żgħir ta’ eċċezzjonijiet li jikkonċernaw diversi aspetti tiegħu.

4.2.

Il-KESE jara b’mod ċar il-ħtieġa li jiġu indirizzati regoli nazzjonali frammentati dwar l-ishma bi drittijiet ta’ vot multiplu. Il-Kumitat jistenna li l-armonizzazzjoni minima ta’ dawk ir-regoli, bil-għan li jiġu attirati negozji tal-familja lejn is-swieq kapitali tal-UE, se tgħin biex tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali pan-Ewropea ġenwina. Għandu jiġi prodott diżinn ta’ qafas dettaljat fil-livell nazzjonali sabiex isir adattament għall-ekosistema lokali, filwaqt li titħeġġeġ l-armonizzazzjoni ta’ livell għoli tal-UE.

4.3.

Il-KESE jinnota li l-free float (l-ishma faċilment disponibbli għall-kummerċ fis-suq tal-ishma) mhumiex l-uniku fattur importanti biex tiġi żgurata l-likwidità. Ir-rekwiżit minimu ta’ free float ta’ 10 fil-mija għandu japplika biss fil-mument tal-kwotazzjoni fil-borża. Għal Stati Membri iżgħar b’mod partikolari, il-flessibbiltà hija kritika, peress li s-swieq tagħhom jistgħu joperaw b’mod adegwat b’anqas free float. Dan huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta’ tneħħija f’daqqa mill-kwotazzjoni fil-borża.

4.4.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva biex jiġi ssemplifikat il-kontenut ta’ prospett li jipprovdi tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż u l-piż għall-emittenti. Madankollu, il-koleġiżlaturi għandhom ifittxu bilanċ bejn il-piż għall-emittenti u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-investituri. Prospetti ta’ 800 paġna għandhom isiru ħaġa tal-passat, iżda għandha tiġi żgurata l-profondità meħtieġa tal-informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-fatturi ESG, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ materjalità doppja. Filwaqt li jibni fuq id-dispożizzjonijiet b’saħħithom tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (11), rapportar bħal dan jagħti spinta lill-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku.

4.5.

Attwalment, il-kontenut huwa mxerred u mhux omoġenju, u mhuwiex dejjem disponibbli bl-Ingliż (“il-lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali”, kif stabbilit fil-Proposta), ħlief għas-sommarju. Barra minn hekk, l-informazzjoni hija pprovduta f’formati li ma jistgħux jinqraw mill-magni. Proċess ta’ ħruġ wieħed jista’ jwassal għal bosta dokumenti regolatorji, frammentati f’diversi fajls (eż. nota dwar it-titoli, sommarju tal-prospett u dokument tar-reġistrazzjoni).

4.6.

Għalhekk, l-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-prospett għal strumenti ta’ ekwità huma milqugħa tajjeb. B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li l-emittenti jingħataw l-għażla li jippubblikaw prospett bl-Ingliż biss bħala l-lingwa komuni stabbilita fl-isfera tal-investituri internazzjonali (ħlief għas-sommarju, li għandu jiġi pprovdut bil-lingwa lokali sabiex jinżammu l-investituri fil-livell tal-konsumatur).

4.7.

Madankollu, il-Kumitat iqis ukoll li l-użu tal-lingwi lokali huwa daqstant importanti, peress li l-Ingliż ma huwiex mitkellem b’mod komuni fl-Istati Membri kollha. Fil-fehma tal-KESE, il-pubblikazzjoni ta’ dokument fuq skala sħiħa (u mhux biss is-sommarju) fil-lingwi nazzjonali, flimkien mal-Ingliż, tippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur lokali jinvolvu ruħhom b’mod aktar attiv. L-emittenti u l-konsulenti tagħhom għandhom iżommu f’moħħhom li l-użu ta’ dokumenti tal-ħruġ bl-“Ingliż biss” ixekkel l-iżvilupp ta’ bażi nazzjonali ta’ investiment għall-konsumatur u jkun kontroproduttiv meta jiġi biex jintlaħqu l-għanijiet mistennija tal-Istrateġija ta’ Investiment fil-livell tal-Konsumatur tal-UE li se titħabbar dalwaqt. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li għandhom jiġu introdotti miżuri biex iħeġġu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jinvolvu ruħhom fis-swieq kapitali billi jippubbliċizzaw b’mod adegwat id-dokumenti tal-ħruġ u jżidu l-faċilità għall-qari.

4.8.

Ir-riċerka dwar l-ekwità hija element ewlieni għall-iżvilupp ta’ ekosistema b’saħħitha għall-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma tal-SMEs. Biex jiġu kkomplementati l-mezzi ta’ riċerka eżistenti, l-awtorizzazzjoni tar-raggruppament tar-riċerka tal-SMEs ma’ servizzi oħra x’aktarx li żżid il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tar-rapporti ta’ riċerka. Il-KESE jilqa’ ż-żieda proposta fil-limitu tas-separazzjoni għal EUR 10 biljun. Dan se jikkoreġi t-tnaqqis fil-kopertura u l-viżibbiltà tal-SMEs li ħolqot il-MiFID II (12). Madankollu, il-KESE jenfasizza li hemm konċentrazzjoni ogħla ta’ produzzjoni ta’ riċerka dwar l-ekwità f’idejn istituzzjonijiet finanzjarji akbar. Minħabba l-iskala tagħhom, sensara kbar ħafna huma aktar kapaċi jistabbilixxu tariffi negliġibbli u/jew jużaw l-eżekuzzjoni tal-kummerċ biex jissussidjaw b’mod reċiproku l-forniment ta’ riċerka minn sensara żgħar jew ta’ daqs medju (13). Barra minn hekk, is-sensara l-kbar huma l-aktar interessati li jipprovdu riċerka dwar kumpaniji “blue chip”, filwaqt li l-SMEs jistgħu ma jkunux moqdija biżżejjed. Maġġoranza kbira ta’ emittenti jirrapportaw (14) li l-MiFID II naqqset il-kopertura u l-viżibbiltà tal-SMEs. Il-KESE jara ħtieġa ċara li jiġu introdotti aktar miżuri biex titħeġġeġ ir-riċerka indipendenti, billi nitgħallmu mill-aħjar prattiki disponibbli fl-Ewropa (15).

4.9.

Fil-fażi ta’ wara l-IPO, il-kumpaniji kkwotati għandhom ikunu eżemplari f’termini ta’ trasparenza, u l-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti minoritarji għandha tkun l-ogħla prijorità. Jekk jinħoloq ir-riskju li l-azzjonisti jiġu ttrattati b’mod inġust jew ma jkunux protetti tajjeb meta l-kumpanija ssir pubblika, il-fiduċja tagħhom fis-swieq kapitali tal-UE mhix se tiżdied. Il-KESE japprezza ħafna l-approċċ tal-Kummissjoni fil-mitigazzjoni tal-inċertezza tad-dritt fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni, permezz tal-emendi mmirati għar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq.

4.10.

Il-Kumitat jemmen li l-qafas eżistenti ta’ talbiet ad hoc f’każijiet ta’ suspett ta’ abbuż tas-suq jidher adegwat u suffiċjenti sabiex tinkiseb sorveljanza effettiva, filwaqt li jirrimarka li diversi superviżuri jaraw mertu fit-tisħiħ tal-iskambju ta’ data tal-kotba tal-ordnijiet permezz tal-mekkaniżmu ta’ superviżjoni tar-reġistru tal-ordnijiet bejn is-swieq. Il-kamp ta’ applikazzjoni fil-proposta tal-mekkaniżmu ta’ superviżjoni tar-reġistru tal-ordnijiet bejn is-swieq jista’ joħloq ir-riskju li jinħolqu kundizzjonijiet mhux ekwivalenti, peress li ċ-ċentri tan-negozjar bilaterali ma jiġux inklużi fil-mekkaniżmu.

4.11.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li inizjattivi oħra li għaddejjin bħalissa li jikkontribwixxu għat-titjib tal-attraenza tas-swieq pubbliċi jitmexxew ’il quddiem b’pass aktar mgħaġġel. Il-Kumitat ippubblika diversi Opinjonijiet dwar inizjattivi leġiżlattivi tal-passat, dawk li għaddejjin bħalissa u dawk mistennija (16). Għandu jinżamm progress rapidu lejn l-Unjoni tas-Swieq Kapitali minkejja l-isfidi ġeopolitiċi; hija meħtieġa Unjoni tas-Swieq Kapitali b’saħħitha aktar minn qatt qabel preċiżament minħabba r-riskji dejjem akbar ta’ instabbiltà ekonomika u soċjali.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Capital markets union: clearing, insolvency and listing package (Unjoni tas-swieq kapitali: pakkett għall-ikklerjar, l-insolvenza u l-kwotazzjoni fil-borża — mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Grupp ta’ Esperti Tekniċi tal-Partijiet Ikkonċernati dwar ir-rapport finali tal-SMEs, Empowering EU Capital Markets for SMEs: Making listing cool again (It-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE għall-SMEs: Il-kwotazzjoni fil-borża terġa’ ssir attraenti — mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Eurostat – Statistics explained (Eurostat — L-istatistika spjegata — mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ir-rapport statistiku annwali tal-ESMA “EU securities markets”, 2020; p. 40 (Is-swieq tat-titoli tal-UE, 2020; p. 40 — mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ir-rapport ta’ Oxera Primary and secondary equity markets in EU, 2020 (Swieq tal-ekwità primarji u sekondarji fl-UE, 2020 — mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Haas, R.D. u Popov, A., Finance and carbon emissions, (Il-finanzjament u l-emissjonijiet tal-karbonju) Serje ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-BĊE, 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Jordà, Ò., Schularick M. u Taylor A.M., When Credit Bites Back, Journal of Money, Credit and Banking 45, nru 2 (1 ta’ Diċembru 2013): 3-28 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Federation of European Securities Exchanges database, 2022 (Il-bażi tad-data tal-Federazzjoni Ewropea tal-Iskambji tat-Titoli, 2022 — mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Stiftung Familienurternehmen.

(10)  ĠU C 75, 28.2.2023, p. 28.

(11)  . ĠU C 517, 22.12.2021, p. 51.

(12)  MiFID = Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji.

(13)  Ir-rapport ta’ Oxera dwar Unbundling: what’s the impact on equity research? , 2019 (Is-separazzjoni: x’inhu l-impatt fuq ir-riċerka dwar l-ekwità?, 2019 — mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Il-Kummissjoni Ewropea, rapport finali dwar The impact of MiFID II rules on SME and fixed income investment research , 2020 (L-impatt tar-regoli tal-MiFID II fuq l-SMEs u r-riċerka dwar l-investiment b’introjtu fiss, 2020 — mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Ara l-inizjattiva mingħajr skop ta’ qligħ “Lighthouse” taħt l-Instituto Español de Analistas Financieros.

(16)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20; ĠU C 290, 29.7.2022, p. 58; ĠU C 177, 18.5.2016, p. 9; ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30; ĠU C 341, 24.8.2021, p. 41.


25.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti”

[COM(2022) 590 final]

(2023/C 184/21)

Relatur:

Arnold PUECH d’ALISSAC

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 9.12.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

9.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

23.3.2023

Sessjoni plenarja Nru

577

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

170/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti hekk kif il-kriżi globali tal-fertilizzanti, li bdiet fil-bidu tal-2021 u marret għall-agħar wara l-gwerra fl-Ukrajna, hija partikolarment akuta fl-Ewropa fejn il-bdiewa qed jiffaċċjaw kemm prezzijiet rekord kif ukoll nuqqas ta’ provvista. Is-sitwazzjoni attwali qed thedded l-agrikoltura Ewropea u s-sigurtà tal-ikel globali.

1.2

Il-KESE jenfasizza li huma meħtieġa azzjonijiet domestiċi ta’ emerġenza biex irażżnu l-impatt tal-kriżi tal-fertilizzanti. Minbarra l-possibbiltà li l-manifatturi tan-nitroġenu u l-bdiewa l-aktar affettwati jiġu appoġġjati direttament permezz tal-għajnuna mill-Istat (li tiffaċċja restrizzjonijiet baġitarji, iżżid ir-riskji ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonalità), il-KESE jqis li huma meħtieġa miżuri korrettivi biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq tal-fertilizzanti tal-UE, peress li x’aktarx ikollhom impatt akbar fuq il-bdiewa u jkunu aktar kosteffettivi għall-kontribwenti.

1.3

Sabiex jiġu indirizzati kemm il-provvista tal-fertilizzanti kif ukoll il-prezzijiet billi jiġu ffaċilitati l-importazzjonijiet u l-kompetizzjoni fis-suq intern, il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu miżuri li jinkludu s-sospensjoni tat-tariffi tal-importazzjoni tal-UE fuq il-fertilizzanti kollha, il-faċilitazzjoni tal-loġistika tal-fertilizzanti u flessibbiltajiet regolatorji.

1.4

Il-KESE jqis ukoll li huma meħtieġa miżuri fuq terminu medju biex tiġi limitata d-dipendenza tal-UE minn fertilizzanti minerali importati u biex titnaqqas l-impronta ambjentali tal-fertilizzazzjoni tal-għelejjel. Dawn għandu jkollhom l-għan li jillimitaw l-użu tal-fertilizzanti permezz ta’ effiċjenza mtejba fl-użu tan-nutrijenti tal-pjanti, b’sostituzzjoni parzjali tal-fertilizzanti sintetiċi b’demel tal-bhejjem riċiklat u skart ieħor, u permezz ta’ titjib fl-awtosuffiċjenza tal-Ewropa fil-produzzjoni tal-fertilizzanti, sabiex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni agroekoloġika tal-agrikoltura.

1.5

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira ta’ osservatorju tas-suq tal-fertilizzanti ġdid (li għandu jiġi stabbilit fl-2023), peress li huwa essenzjali li jiżdied il-livell ta’ trasparenza fis-suq Ewropew tal-fertilizzanti permezz tal-pubblikazzjoni regolari tal-prezzijiet rappreżentattivi għas-suq intern kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta’ statistika pubblika dwar il-produzzjoni u l-użu tal-fertilizzanti.

1.6

Il-KESE jitlob ukoll li jitqiesu l-aspetti soċjali relatati mal-bdiewa (li huma affettwati ħafna mill-prezzijiet tal-fertilizzanti), il-konsumaturi tal-ikel (li qed jiffaċċjaw inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel) u l-ħaddiema tal-industrija meta jiġu adottati miżuri ġodda.

1.7

Fix-xena internazzjonali, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex iżżid l-azzjonijiet kontra n-nuqqas ta’ sigurtà globali tal-ikel, inkluża l-promozzjoni tat-trasparenza, id-disponibbiltà u l-użu effettiv tal-fertilizzanti. Il-kummerċ globali tal-fertilizzanti għandu jiġi ffaċilitat billi s-swieq jinżammu miftuħa, jiġu evitati r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, tiżdied il-produzzjoni tal-fertilizzanti fl-Ewropa u jitwessgħu r-rotot loġistiċi.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Il-fertilizzanti huma magħmula minn tliet nutrijenti essenzjali għat-tkabbir tal-pjanti: in-nitroġenu (N), il-fosforu (P) u l-potassju (K).

2.2

Il-fertilizzanti huma input ewlieni fil-maġġoranza tal-produzzjoni agrikola attwali. Id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tagħhom għandhom rwol essenzjali fis-sigurtà tal-ikel. Mill-bidu tal-2021, kien hemm kriżi globali tal-fertilizzanti minerali, għall-ewwel minħabba żieda fid-domanda wara l-irkupru ta’ wara l-COVID, u mbagħad aggravata aktar mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja minħabba l-limitazzjonijiet tal-provvista mir-Russja, mill-Belarussja u mill-Ukrajna, tliet fornituri globali ewlenin tal-fertilizzanti.

2.3

Il-kriżi tal-fertilizzanti hija partikolarment akuta fl-Ewropa peress li: (i) l-UE hija importatur nett kbir ta’ fertilizzanti; (ii) is-suq tal-fertilizzanti tal-UE għan-nitroġenu u l-fosforu huwa protett minn dazji tal-importazzjoni li jgħollu l-prezzijiet fis-suq intern ’l fuq mill-prezzijiet globali; (iii) l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti tal-UE mir-Russja, il-Belarussja u l-Ukrajna, li qabel kienu jammontaw għal 43 % tal-importazzjonijiet tal-UE, naqsu b’mod sinifikanti minn Marzu 2022, minkejja l-politika uffiċjali tal-UE ta’ ebda projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-ikel u tal-fertilizzanti mir-Russja.

2.4

Il-prezzijiet tal-fertilizzanti fis-suq intern telgħu għal livelli rekord (tliet darbiet aktar għan-nitroġenu minerali f’Novembru 2022 meta mqabbel ma’ Jannar 2021). Flimkien ma’ provvista skarsa u dewmien fix-xiri, dan irriżulta fi tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-fertilizzanti tal-UE għall-ħsad tal-2022 (1), u possibbilment nuqqas f’diversi Stati Membri fir-rebbiegħa tal-2023 li se jaffettwa l-ħsad tal-2023.

2.5

Dan qed iseħħ fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” (2), ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2020, inklużi l-miri proposti għall-UE kollha biex “tnaqqas it-telf tan-nutrijenti b’mill-inqas 50 %, filwaqt li tiżgura li ma jkunx hemm deterjorament fil-fertilità tal-ħamrija”, u tnaqqas “l-użu tal-fertilizzanti b’mill-inqas 20 % sal-2030”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jenfasizza li fertilizzanti faċilment disponibbli u affordabbli huma essenzjali għall-produzzjoni agrikola u s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u globalment. In-nuqqas ta’ fertilizzanti u l-prezzijiet eċċessivi tal-fertilizzanti jwasslu għal tnaqqis fir-rendimenti tal-għelejjel, jipperikolaw il-produzzjoni tal-ikel u jikkontribwixxu għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel askapitu taċ-ċittadini u l-umanità Ewropej.

3.2

Il-kriżi attwali fis-swieq tal-fertilizzanti hija theddida partikolari f’pajjiżi b’introjtu baxx, li huma affettwati ħafna mill-insigurtà tal-ikel. Hija wkoll theddida fl-Ewropa, fejn gruppi vulnerabbli diġà qed jiffaċċjaw sfidi ta’ affordabbiltà tal-ikel, u l-kriżi tal-fertilizzanti tista’ twassal għal tnaqqis fil-ħsad, u b’hekk ikollha impatt fuq is-sigurtà globali tal-ikel peress li l-UE hija produttur u esportatur ewlieni taċ-ċereali.

3.3

Il-KESE jemmen li l-iskarsezza globali tal-fertilizzanti mhijiex ikkawżata biss mill-prezz għoli tal-gass naturali, iżda wkoll minn żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda u limitazzjonijiet loġistiċi. Fl-UE, dan huwa aggravat aktar mil-livell għoli ta’ dipendenza li l-kontinent għandu mill-importazzjonijiet ta’ fertilizzanti minerali, id-dazji tal-importazzjoni tal-UE u l-gwerra fl-Ukrajna.

Azzjonijiet ta’ emerġenza domestiċi

3.4

Minkejja l-prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti, jidher li l-kompetittività tal-kostijiet ta’ diversi manifatturi tal-fertilizzanti tan-nitroġenu fl-UE ntlaqtet mill-prezz estremament għoli tal-gass naturali fl-Ewropa, li laħaq seba’ darbiet aktar il-livell tal-Istati Uniti meta mqabbel mat-triplu fl-2021. Minbarra l-aċċess prijoritizzat għall-gass naturali fil-każ ta’ razzjonament tal-gass, jista’ jkun ta’ siwi appoġġ speċifiku għall-industrija tan-nitroġenu tal-UE fuq bażi ta’ każ b’każ, bl-għan li jiġi sfruttat l-użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni eżistenti, kif stabbilit fil-verżjoni emendata tal-Qafas Temporanju tal-UE ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet. F’dan ir-rigward, il-kundizzjonalità ekonomika u soċjali hija meħtieġa biex jiġu evitati effetti deadweight, peress li xi manifatturi tal-fertilizzanti raw il-profitti tagħhom jieħdu spinta qawwija b’segwitu għall-kriżi tal-fertilizzanti.

3.5

L-utenti tal-fertilizzanti, u b’mod partikolari l-bdiewa li jipproduċu prodotti mir-raba’ li jinħadem u minn kultivazzjoni mħallta u dawk li jispeċjalizzaw fit-trobbija tal-bhejjem, li jirrappreżentaw 62 % tal-ispejjeż tal-fertilizzanti tal-UE u 69 % tal-konsum tan-nitroġenu fl-UE (3), intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi attwali. Dawn qed jiffaċċjaw nuqqasijiet ta’ fluss tal-flus biex jixtru fertilizzanti qabel il-ħsad tal-għelejjel, kif ukoll pressjoni tal-prezz nett, peress li l-prezzijiet ogħla għall-prodotti agrikoli jistgħu ma jikkumpensawx l-effett ta’ żieda fil-prezzijiet għall-fertilizzanti u inputs oħra (4) tal-azjendi agrikoli. Għalhekk, biex jaffaċċjaw il-kriżi jista’ jkun meħtieġ appoġġ immirat għall-utenti tal-fertilizzanti, kif stabbilit fil-verżjoni emendata tal-Qafas Temporanju tal-UE ta’ Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet.

3.6

Madankollu, hemm restrizzjonijiet baġitarji qawwija u kompetizzjoni fil-prijoritajiet għall-finanzjament ta’ tali appoġġ mir-riżerva għall-agrikoltura tal-UE li tammonta għal EUR 450 miljun għas-sena finanzjarja 2023. Il-finanzjament ta’ tali azzjonijiet permezz ta’ pjani strateġiċi nazzjonali tal-PAK lanqas ma hija għażla tajba, peress li dawn għadhom kif ġew approvati u jeħtieġu żmien twil biex jiġu emendati. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-għajnuna mill-Istat jinvolvi restrizzjonijiet baġitarji nazzjonali, kif ukoll ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sinifikanti bejn il-bdiewa minn Stati Membri differenti. Dan joħroġ mill-fatt li sa issa tliet Stati Membri biss implimentaw skemi ta’ għajnuna ddedikati għax-xiri ta’ fertilizzanti mill-bdiewa, b’baġit totali ta’ EUR 855 miljun.

3.7

Il-KESE jqis li l-miżuri korrettivi li jtejbu l-funzjonament tas-suq tal-fertilizzanti tal-UE huma għalhekk aktar rakkomandabbli u aktar kosteffettivi għall-kontribwenti. Tali miżuri temporanji ta’ emerġenza għandhom ikunu mmirati kemm lejn il-provvista tal-fertilizzanti kif ukoll lejn il-prezzijiet fl-Ewropa permezz ta’ faċilitazzjoni tal-importazzjonijiet u l-kompetizzjoni. Xi kumpaniji tal-fertilizzanti qed iżidu l-profitt tagħhom bi proporzjon kbir: hemm bżonn jingħata messaġġ pożittiv u strateġiku favur din l-industrija jekk irridu li dawn ikunu mezz biex ninvestu fil-fabbriki Ewropej u nsaħħu l-livell ta’ awtonomija tagħna, li hija l-prezz tal-indipendenza tagħna.

3.8

B’segwitu għall-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ Lulju 2022, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2465 tat-12 ta’ Diċembru 2022 (5) jipprevedi sospensjoni temporanja tat-tariffi tal-importazzjoni għall-urea u l-ammonijaka (ħlief mir-Russja u l-Belarussja). Il-KESE jilqa’ din id-deċiżjoni, peress li minbarra l-imsieħba li diġà jibbenefikaw minn ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-UE (bħall-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq), sorsi ewlenin oħra ta’ provvista għandhom jiġu affettwati b’mod pożittiv minn tali sospensjoni (bħall-Istati Uniti, il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u tal-Golf Għarbi). Madankollu, ir-Regolament daħal fis-seħħ tard wisq biex ikun effettiv għall-istaġun 2022/2023, peress li l-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet tal-urea ġew ikkonsenjati jew ordnati bi prezzijiet m’għola s-smewwiet, u l-Kunsill illimita s-sospensjoni temporanja tiegħu għal perjodu ta’ sitt xhur minflok għas-sentejn previsti. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jestendu r-Regolament għall-istaġun li jmiss u għall-fertilizzanti kollha bbażati fuq in-nitroġenu u l-fosforu, peress li dan jippromovi d-disponibbiltà permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista kif ukoll itaffi l-prezzijiet tal-fertilizzanti fis-suq intern tal-UE.

3.9

Għandhom jiġu implimentati wkoll b’mod urġenti miżuri oħra fl-oqsma tal-loġistika u r-regolamentazzjoni biex jiġi indirizzat il-funzjonament tas-suq tal-fertilizzanti minerali tal-UE, inkluż billi (i) il-bdiewa u d-distributuri tal-fertilizzanti jiġu inċentivati jixtru minn qabel u jimmaniġġjaw ir-riskji tal-prezzijiet; (ii) il-loġistika tal-importazzjoni fil-portijiet tiġi ffaċilitata għall-bastimenti tal-fertilizzanti u għat-trasport bit-triq bit-trakkijiet; (iii) jiġu unifikati l-interpretazzjonijiet nazzjonali rigward il-fornituri tal-fertilizzanti fid-dawl tas-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja; (iv) jiġu awtorizzati flessibbiltajiet temporanji fir-Regolamenti tal-UE inkluż ir-Regolament REACH, il-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, u r-Regolament dwar il-prodotti tal-fertilizzanti.

3.10

Il-Kummissjoni Ewropea, wara l-proposti tekniċi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha (6), għandha tipproponi malajr miżuri leġiżlattivi li jippermettu l-użu sikur ta’ demel proċessat f’livelli ogħla mil-limitu stabbilit għal żoni vulnerabbli għan-nitrati skont id-Direttiva dwar in-Nitrati (RENURE), u li jippermettu livell akbar ta’ sostituzzjoni ta’ fertilizzanti sintetiċi. Sakemm jiddaħħal dan il-limitu l-ġdid, il-KESE jirrakkomanda li l-limitu massimu attwali ta’ 170 kg ta’ nitroġenu organiku għal kull ettaru fis-sena jkun applikabbli għall-bdiewa kollha fl-UE.

Azzjonijiet domestiċi fuq terminu medju

3.11

Kif imsemmi fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tiegħu tal-2022 (7), il-KESE jirrakkomanda li titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-għalf, tal-fertilizzanti u ta’ inputs oħra, u jipproponi definizzjoni ta’ awtonomija strateġika miftuħa li tapplika għal sistemi tal-ikel ibbażati fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-forza tax-xogħol u l-kummerċ ġust, bil-għan ġenerali li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini kollha tal-UE permezz ta’ provvista tal-ikel tajba għas-saħħa, sostenibbli, reżiljenti u ġusta.

3.12

Fir-rigward tal-fertilizzanti, il-KESE huwa tal-fehma li, filwaqt li għandhom jittieħdu azzjonijiet ta’ emerġenza minnufih, għandhom jiġu implimentati wkoll miżuri aktar fit-tul sabiex tiġi ottimizzata d-dipendenza tal-agrikoltura Ewropea minn fertilizzanti minerali importati, u fl-istess ħin titnaqqas l-impronta ambjentali tal-fertilizzazzjoni tal-għelejjel fl-Ewropa. Dawn il-miżuri għandhom jimmiraw biex (i) jottimizzaw l-użu totali tal-fertilizzanti permezz ta’ effiċjenza mtejba tan-nutrijenti tal-pjanti, li twassal għal inqas telf ta’ nutrijenti; (ii) jissostitwixxu parzjalment il-fertilizzanti sintetiċi permezz ta’ żieda fl-użu ta’ demel tal-bhejjem riċiklat u skart ieħor mill-katina alimentari; (iii) itejbu l-awtosuffiċjenza tal-Ewropa fil-produzzjoni tal-fertilizzanti. Il-KESE jenfasizza li l-agrikoltura tinsab fi tranżizzjoni li se tkompli għaddejja sabiex tittejjeb permezz tal-agroekoloġija u l-agrikoltura ta’ konservazzjoni.

3.13

It-titjib tal-effiċjenza tan-nutrijenti tal-pjanti huwa meħtieġ sabiex jitnaqqas il-konsum tal-fertilizzanti kif ukoll it-telf ta’ nutrijenti fl-ilma u fl-arja. Dan għandu jippermetti tnaqqis fl-użu tal-fertilizzanti mingħajr ma jiġi affettwat il-volum tal-produzzjoni. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ prattiki mtejba ta’ fertilizzazzjoni, inkluż l-użu ta’ għelejjel ta’ kopertura, l-għażla ta’ fertilizzanti (issir preferenza għal tipi ta’ nitroġenu bħal dawk ibbażati fuq in-nitrati u l-użu ta’ inibituri tal-ureażi/nitrifikazzjoni), l-użu ta’ bijostimulanti kif ukoll biedja ta’ preċiżjoni li tippermetti applikazzjoni ottimizzata (applikazzjoni maqsuma fi stadji, kalkoli abbażi tal-karta bilanċjali, analiżi tal-ħamrija u tal-pjanti, sensuri tal-pjanti, għodod ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet).

3.14

It-tnissil tal-pjanti huwa essenzjali wkoll għall-effiċjenza tan-nutrijenti, peress li varjetajiet imtejba huma kapaċi jieħdu inqas nutrijenti, speċjalment in-nitroġenu, għall-istess kwantità maħsuda. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li għandhom jiġu żviluppati teknoloġiji innovattivi u żrieragħ biex dejjem ikunu jistgħu jiġu offruti soluzzjonijiet lill-bdiewa li jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq l-għodod eżistenti (8).

3.15

Is-sostituzzjoni ta’ għelejjel li jirrikjedu ħafna nutrijenti bħaċ-ċereali, iż-żrieragħ tal-lift u l-pitravi taz-zokkor bi pjanti li jirrikjedu inqas nutrijenti bħall-ġirasol (9) u l-legumi hija xejra li l-bdiewa adottaw b’mod naturali mill-2021-2022 (10). Madankollu, dan għandu jitqies b’kawtela f’qafas ta’ politika pubblika peress li azzjoni bħal din tista’ tfixkel is-swieq agrikoli u tipperikola s-sigurtà tal-ikel, minħabba r-rendimenti ta’ materja niexfa u l-kontributi ta’ proteini rispettivi għal kull ettaru.

3.16

Is-sostituzzjoni parzjali ta’ fertilizzanti minerali b’fertilizzanti organiċi riċiklati minn demel tal-bhejjem u skart organiku ieħor hija wkoll objettiv ta’ terminu medju rilevanti fl-UE (11). Dan se joffri benefiċċji għall-ħamrija (kontenut organiku ogħla) u għall-klima (emissjonijiet aktar baxxi mill-manifattura tal-fertilizzanti tan-nitroġenu sintetiċi) kif ukoll inaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni. Madankollu, il-potenzjal mid-demel tal-bhejjem m’għandux jiġi sopravalutat, peress li l-biċċa l-kbira tiegħu diġà ġie riċiklat, ir-riżorsi disponibbli huma ġeografikament limitati (reġjuni b’eċċess strutturali għad-demel) u huma soġġetti għal spejjeż sinifikanti ta’ mobilizzazzjoni, ipproċessar u trasport. In-nutrijenti mill-iskart tal-bniedem fil-biċċa l-kbira ma jitferrxux fuq il-ħamrija agrikola, minkejja li dawn jirrappreżentaw potenzjal ta’ 2 biljun kilo ta’ nitroġenu (12). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta’ tekniki għall-irkupru tan-nutrijenti mill-ħama tad-drenaġġ u għall-applikazzjoni tagħhom fl-agrikoltura b’mod sikur.

3.17

Fir-rigward tal-fertilizzanti tan-nitroġenu, il-promozzjoni ta’ perkorsi alternattivi mhux minn sorsi fossili għall-produzzjoni tal-ammonijaka hija objettiv fit-tul rilevanti ħafna, peress li dan inaqqas id-dipendenza tal-UE mill-gass kif ukoll l-impronta tal-karbonju tagħha. L-idroġenu rinnovabbli prodott mill-elettroliżi tal-ilma (din stess mill-elettriku rinnovabbli) jinsab fi stadju industrijali pilota, filwaqt li l-metanazzjoni ta’ prodotti sekondarji agrikoli u ta’ skart organiku tista’ tipproduċi kemm bijometan għall-ġenerazzjoni tal-ammonijaka kif ukoll diġestat li jista’ jintuża bħala fertilizzant organiku. Madankollu, minkejja l-prezz tas-suq għoli attwali għall-ammonijaka bbażata fuq il-fossili, l-alternattivi rinnovabbli għadhom ’il bogħod milli jkunu kompetittivi u se jeħtieġu ż-żmien, il-maturazzjoni teknoloġika u possibbilment sussidji pubbliċi sinifikanti qabel ma jaslu fl-istadju industrijali.

3.18

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira ta’ osservatorju ġdid tas-suq tal-fertilizzanti, li għandu jiġi stabbilit fl-2023, u l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati tal-fertilizzanti fil-qafas tal-grupp ta’ esperti tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM). Il-KESE jqis ukoll li kwalunkwe livell sinifikanti ta’ trasparenza fis-suq tal-fertilizzanti tal-UE jista’ jiġi garantit biss permezz tal-pubblikazzjoni regolari tal-prezzijiet rappreżentattivi tas-suq domestiku għal firxa ta’ fertilizzanti N, P u K kif ukoll l-iżvilupp ta’ statistika pubblika dwar il-konsum tal-fertilizzanti.

Aspetti soċjali

3.19

Il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni ma tqisx biżżejjed l-aspetti soċjali relatati mad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti. Fil-fatt, il-bdiewa (b’mod partikolari l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira) ikollhom iħallsu prezz ogħla għall-fertilizzanti li jistgħu ma jitħallsux lura mal-ħsad, peress li x-xiri u l-bejgħ tal-fertilizzanti huma diżakkoppjati. Barra minn hekk, fertilizzanti aktar għaljin huma parzjalment responsabbli għall-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel, li, b’mod aktar speċifiku, taffettwa lill-ifqar familji. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fl-industrija Ewropea tal-fertilizzanti huma affettwati wkoll mit-telf fil-kompetittività, l-għeluq tal-produzzjoni, kif ukoll il-livell għoli ta’ inċertezza li qed jiffaċċja s-settur fl-UE.

L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti fid-dinja

3.20

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, il-pajjiżi tal-G20, l-aġenziji tan-NU u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jiġġieldu l-insigurtà globali tal-ikel, inkluż permezz tal-promozzjoni tas-swieq tal-fertilizzanti b’kompetizzjoni u trasparenza b’saħħithom, id-disponibbiltà tal-fertilizzanti u l-użu effettiv tagħhom.

3.21

It-trasparenza fis-suq globali tal-fertilizzanti hija ta’ importanza partikolari. Il-KESE jħeġġeġ sabiex is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS) tal-G20 issaħħaħ ir-rappreżentattività tal-bażi tad-data tal-prezzijiet tal-fertilizzanti tagħha, li bħalissa hija limitata għal erba’ prodotti u postijiet.

3.22

L-FAO u d-WTO dan l-aħħar wissew (13) li n-nuqqas globali ta’ fertilizzanti x’aktarx li se jippersisti fl-2023, u dan jhedded il-produzzjoni agrikola u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika b’mod partikolari. Il-kummerċ globali tal-fertilizzanti għandu jiġi ffaċilitat b’mod urġenti billi s-swieq jinżammu miftuħa, jiġu evitati r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, tiżdied il-produzzjoni tal-fertilizzanti, jitwessgħu r-rotot loġistiċi u tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-fertilizzanti. Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi internazzjonali f’dan ir-rigward, inkluż il-Grupp ta’ Rispons għall-Kriżijiet Globali dwar l-Ikel, l-Enerġija u l-Finanzi (NU), l-Alleanza Globali għas-Sigurtà tal-Ikel (G7), l-inizjattiva FARM (UE, G7, l-Unjoni Afrikana) u l-inizjattiva Global Fertilizer Challenge (l-Istati Uniti, l-UE).

3.23

Il-prezzijiet għoljin tal-importazzjoni għall-ikel u l-fertilizzanti u t-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista huma ħtiġijiet urġenti ta’ bilanċ tal-pagamenti f’ċerti pajjiżi b’introjtu baxx. L-UE għandha żżid l-isforzi f’dan ir-rigward kemm bilateralment (Faċilità għas-sigurtà u r-reżiljenza tal-ikel) kif ukoll permezz ta’ inizjattivi multilaterali bħall-Fond Fiduċjarju tal-FMI għat-Tnaqqis tal-Faqar u għat-Tkabbir (PRGT) u t-Tieqa għal Xokkijiet Alimentari.

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2023.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Skont il-Kummissjoni Ewropea, taħlita ta’ nixfa u prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti li rriżultaw f’rati ta’ applikazzjoni aktar baxxi ta’ P u K b’mod partikolari, ikkontribwew għal rendimenti aktar baxxi u t-tnaqqis ta’ 8 % fil-ħsad taċ-ċereali fl-UE fl-2022 meta mqabbel mal-2021. Sors: Short-term outlook for agricultural markets, (Prospettiva għal żmien qasir għas-swieq agrikoli [mhux disponibbli bil-Malti]), Kummissjoni Ewropea, 5.10.2022.

(2)  COM(2020) 381 final, 20.5.2020.

(3)  Sors: FADN, 2017

(4)  Bħala referenza, il-prezz għan-nitrat tal-ammonju fi Franza f’Novembru 2022 kien 203 % ogħla mil-livell ta’ Jannar 2021. Min-naħa l-oħra, il-prezz tal-qamħ għat-tħin żdied b’45 % fl-istess perjodu. Sors: La Dépêche Le Petit Meunier.

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32022R2465 (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 81).

(6)  https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC121636.

(7)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/opinions/strategic-foresight-report-2022 (ara ĠU, p. 45).

(8)  ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72.

(9)  Iż-żona miżrugħa bil-ġirasol fl-UE kibret b’750 000 ettaru filwaqt li ż-żona taċ-ċereali naqset bl-istess ammont fl-2022.

(10)  ĠU C 75, 28.2.2023, p. 88.

(11)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/information-reports/benefits-extensive-livestock-farming-and-organic-fertilizers-context-european-green-deal-egd-ir-information-report

(12)  Huwa stmat li persuna waħda tneħħi aktar minn 4 kg nitroġenu fis-sena permezz tal-awrina tagħha (Viskari et al, 2018 – https://www.frontiersin.org/articles/10.3389/fsufs.2018.00032/full)

(13)  Global fertilizer markets and policies: a joint FAO/WTO mapping exercise (Is-swieq globali u l-politiki tal-fertilizzanti: eżeċizzju ta’ mmappjar konġunt tal-FAO/WTO [mhux disponibbli bil-Malti]), 14 ta’ Novembru 2022, https://www.wto.org/english/news_e/news22_e/igo_14nov22_e.htm