ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 158

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
4 ta' Mejju 2023


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

2023/C 158/01

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-6 ta' Marzu 2023 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (BERS/2023/1)

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 158/02

Rata tal-kambju tal-euro — It-3 ta' Mejju 2023

7


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-EFTA

2023/C 158/03

Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA mill-Fürstliches Obergericht bid-data tal-25 ta’ Ottubru 2022 fil-kawża ta’ Alexander Amann (Il-Kawża E-14/22)

8

2023/C 158/04

Sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża E-1/22 — G. Modiano Limited u Standard Wool (UK) Limited vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (Għajnuna mill-Istat - Skema Norveġiża ta’ Sussidju għas-Suf - Azzjoni għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA - Ċaħda ta’ lment - Deċiżjoni meħuda fi tmiem l-istadju ta’ eżami preliminari - Stqarrija tar-raġunijiet - Nuqqas ta’ tibdil sostanzjali tal-għajnuna eżistenti)

9

2023/C 158/05

Sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Jannar 2023 fil-Kawża E-5/22 — Christian Maitz vs Liechtensteinische Alters- und Hinterlassenenversicherung, Litttensteinische Invalidenversicherung, u Litttensteinische Familienausgleichskasse (Sigurtà soċjali - Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 - Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 - Residenza f’pajjiż terz - Persuna li taħdem għal rasha - Applikabbiltà tal-liġi taż-ŻEE - Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva - L-Artikolu 3 ŻEE - Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera)

10

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 158/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

11

2023/C 158/07

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

16

2023/C 158/08

Avviż għall-attenzjoni ta’ Maulawi Rajab u Sultan Aziz Azam, li l-ismijiet tagħhom żdiedu mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida, bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/908

23


 

Rettifika

 

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2023 li taħtar membru supplenti tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għad-Danimarka ( ĠU C 109, 24.3.2023 )

25


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tas-6 ta' Marzu 2023

li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2023/1)

(2023/C 158/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Anness IX tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (3) u b’mod partikolari l-Artikolu 458(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (4), u b’mod partikolari t-Taqsima II tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu żgurati miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali effettivi u konsistenti, huwa importanti li jiġi kkumplimentat l-għarfien meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni b’reċiproċità volontarja.

(2)

Il-qafas dwar ir-reċiproċità volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stipulat fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6) għandu l-għan jiżgura li l-miżuri kollha tal-politika makroprudenzjali bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed ikunu reċiprokati fl-Istati Membri l-oħrajn.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2017/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (7) tirrakkomanda lill-awtorità attivanti rilevanti biex tipproponi limitu massimu ta’ materjalità meta tissottometti talba għal reċiproċità lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li taħtu l-iskopertura tal-fornitur tas-servizz finanzjarju individwali għar-riskju makroprudenzjali identifikat fil-ġuriżdizzjoni fejn il-miżura ta’ politika makroprudenzjali hija applikata mill-awtorità attivanti tista’ titqies bħala mhux materjali. Il-BERS jista’ jirrakkomanda livell limitu differenti jekk jitqies neċessarju.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 79/2019 tad-29 ta’ Marzu 2019 li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE [2019/2133] (8) inkorporat id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020. Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (10)li introduċew emendi sinifikanti għad-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013, ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 383/2021 tal-10 ta’ Diċembru 2021 li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE u (11) bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 301/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE (12), rispettivament. Id-Direttiva (UE) 2019/878 u r-Regolament (UE) 2020/873 issa huma applikabbli fin-Norveġja.

(5)

B’effett mill-31 ta’ Diċembru 2020, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fin-Norveġja huma soġġetti għal: (i) riżerva għal riskju sistemiku għal skoperturi li jinsabu fin-Norveġja applikata b’rata ta’ 4.5 %, skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE; (ii) limitu minimu ta’ 20 % għall-ponderazzjonijiet tar-riskju medji (ponderati skont l-iskopertura) għal skoperturi għal proprjetà immobbli residenzjali li jinsabu fin-Norveġja, skont l-Artikolu 458(2)(d) (iv) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB)); u (iii) limitu minimu ta’ 35 % għal piżijiet tar-riskju medji (ponderati skont l-iskopertura) għal skoperturi għal proprjetà immobbli kummerċjali li tinsab fin-Norveġja, skont l-Artikolu 458(2)(d) (iv) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-approċċ IRB). L-awtoritajiet Norveġiżi pprovdew perijodu ta’ introduzzjoni gradwali għall-applikazzjoni tar-riżerva għar-riskju sistemiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jużawx l-approċċ IRB avvanzat.

(6)

Fit-2 ta’ Frar 2021, Finansdepartementet (il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż), li jaġixxi bħala l-awtorità nominata Norveġiża għall-finijiet kemm tal-Artikolu 133(1) tad-Direttiva 2013/36/UE kif ukoll tal-Artikolu 458(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ippreżenta lill-BERS talba għar-reċiproċità tar-rata tar-riżerva għar-riskju sistemiku skont l-Artikolu 134(5) tad-Direttiva 2013/36/UE u għal-limiti minimi tal-piż tar-riskju skont l-Artikolu 458(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(7)

Wara t-talba mill-Finansdepartementet lill-BERS, il-BERS adotta r-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (13), u b’hekk inkluda dawn il-miżuri fil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li huma rrakkomandati li jiġu reċiprokati skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2.

(8)

Fis-16 ta’ Diċembru 2022 il-Finansdepartementet innotifika lill-BERS bl-intenzjoni tiegħu (i) li jistabbilixxi mill-ġdid ir-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku għall-iskoperturi li jinsabu fin-Norveġja applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fin-Norveġja u (ii) li jestendi b’sentejn addizzjonali l-limiti minimi tal-piż tar-riskju applikabbli għall-iskoperturi tal-proprjetà immobbli residenzjali u kummerċjali li jinsabu fin-Norveġja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fin-Norveġja bl-użu tal-approċċ IRB. L-issettjar mill-ġdid u l-estensjoni tal-miżuri notifikati ma jaffettwawx il-kalibrazzjoni u d-disinn tagħhom. Madankollu, Finansdepartementet estenda l-perijodu ta’ introduzzjoni gradwali għall-applikazzjoni tar-rata tar-riżerva għar-riskju sistemiku ta’ 4.5 % għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jużawx l-approċċ IRB avvanzat sat-30 ta’ Diċembru 2023. Sa dik id-data, ir-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku applikabbli għall-iskoperturi li jinsabu fin-Norveġja hija stabbilita għal 3 % għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jużawx l-approċċ IRB avvanzat. Għar-reċiproċità ta’ dik il-miżura, jenħtieġ li jiġi applikat perijodu ta’ introduzzjoni gradwali simili għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin li ma jużawx l-approċċ IRB avvanzat.

(9)

In-notifiki fis-16 ta’ Diċembru 2022 inkludew ukoll talba lill-BERS biex ikompli jirrakkomanda r-reċiproċità tat-tliet miżuri kollha. Għar-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku, il-livell limitu ta’ materjalità huwa stabbilit għal ammont ta’ skopertura ponderat għar-riskju ta’ NOK 5 biljun, li jikkorrispondi għal madwar 0.16 % tal-ammont totali tal-iskoperturi ponderati għar-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fin-Norveġja;

(10)

Wara t-talba mill-Finansdepartementet lill-BERS u sabiex (i) jiġi evitat li jseħħu effetti transkonfinali negattivi fil-forma ta’ tixrid u arbitraġġ regolatorju li jistgħu jiġu kkawżati mill-implimentazzjoni tal-miżura tal-politika makroprudenzjali applikata fin-Norveġja; u (ii) jinżammu kundizzjonijiet ekwi fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-ŻEE, il-Bord Ġenerali tal-BERS iddeċieda li jkompli jinkludi l-miżuri fil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li huma rakkomandati li jiġu reċiprokati taħt ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 u biex temenda ftit il-parametri tar-rakkomandazzjoni biex tirreċiproka r-riżerva tar-riskju sistemiku.

(11)

F’konformità mat-talba ta’ Finansdepartementet, il-livell limitu ta’ materjalità għar-reċiproċità tar-riżerva għal riskju sistemiku għandu jitnaqqas u jiġi stabbilit għal ammont ta’ skopertura ponderat għar-riskju ta’ NOK 5 biljun. Is-suq bankarju Norveġiż huwa marbut mill-qrib ma’ swieq f’pajjiżi Nordiċi oħra bħad-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja. F’suq finanzjarju integrat, livell limitu baxx ta’ materjalità jipprevjeni tnixxijiet potenzjali u arbitraġġ regolatorju, u b’hekk jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja u kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, il-piż amministrattiv li jirriżulta mir-reċiproċità tar-riżerva għal riskju sistemiku huwa meqjus bħala komparattivament baxx, minħabba li r-riżerva għal riskju sistemiku li għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet Norveġiżi hija miżura sempliċi u standardizzata, u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-awtoritajiet diġà huma kapaċi jidentifikaw il-post fejn jinsabu l-iskoperturi. Peress li t-tnaqqis tal-livell limitu ta’ materjalità jista’ jirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ġodda ta’ reċiproċità jew l-emenda ta’ dawk eżistenti, jenħtieġ li japplika l-perijodu tranżitorju standard ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ miżuri reċiprokanti. Fir-rigward tar-reċiproċità ta’ miżuri oħra msemmija fin-notifiki tas-16 ta’ Diċembru 2022, u li l-BERS ikompli jirrakkomanda għar-reċiproċità, mhu previst l-ebda perijodu ta’ tranżizzjoni ġdid, peress li r-reċiproċità diġà hija rakkomandata skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3.

(12)

Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3, li temenda r-Rakkomandazzjoni ESRB/2015/2 biex tinkludi l-miżuri Norveġiżi, ġiet implimentata meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fin-Norveġja ma kinux għadhom soġġetti għad-Direttiva (UE) 2019/878. Għalhekk, l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri li kienu diġà ttrasponew id-Direttiva (UE) 2019/878 setgħu jirreċiprokaw ir-riżerva għal riskju sistemiku Norveġiż b’mod u f’livell li qies kwalunkwe sovrapożizzjoni jew differenza fir-rekwiżiti kapitali applikabbli fl-Istat Membru tagħhom u fin-Norveġja. Id-Direttiva (UE) 2019/878 minn dak iż-żmien ’l hawn ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE u issa hija applikabbli wkoll fin-Norveġja. Għalhekk, kwalunkwe referenza għad-Direttiva (UE) 2019/878 għandha titneħħa mir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2. Barra minn hekk, il-BERS ma sab l-ebda evidenza li r-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku, kif issettjata mill-ġdid mill-awtoritajiet Norveġiżi, qed tiddupplika kompletament jew parzjalment il-funzjonament tar-riżerva tal-istituzzjonijiet sistemikament importanti l-oħra (O-SII) previst fl-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(13)

Din l-emenda għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 ma taffettwax il-kontinwità tar-rakkomandazzjoni għar-reċiproċità tal-miżuri makroprudenzjali nazzjonali attivati mill-awtoritajiet Norveġiżi fl-31 ta’ Diċembru 2020, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3. L-emendi attwali għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, ħlief it-tnaqqis tal-livell limitu għar-reċiproċità volontarja tar-riżerva għal riskju sistemiku u l-estensjoni tal-perijodu ta’ introduzzjoni gradwali għar-riżerva għal riskju sistemiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jużawx l-approċċ IRB avvanzat, huma ta’ natura editorjali. Għalhekk, mhuwiex rakkomandat perijodu ta’ tranżizzjoni mġedded għar-rikonoxximent tal-miżuri Norveġiżi, kif deskritt fir-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3. Il-perijodu tranżitorju standard ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huwa applikabbli biss għal miżuri, jew emendi għalihom, li jirreċiprokaw ir-riżerva għal riskju sistemiku li l-awtoritajiet nazzjonali jridu jadottaw minħabba t-tnaqqis tal-livell limitu ta’ materjalità.

(14)

Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

EMENDI

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 hija emendata kif ġej:

1.

fit-Taqsima 1, is-subrakkomandazzjoni C(1) hija sostitwita b’dan li ġej:

“—

rata ta” riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 4.5 % għal skoperturi li jinsabu fin-Norveġja skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE, kif applikata għan-Norveġja u fin-Norveġja fil-31 ta’ Diċembru 2022 skont it-termini tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (*1) (il-Ftehim ŻEE) (minn hawn ’il quddiem is-“CRD kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja fil-31 ta’ Diċembru 2022”), għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fin-Norveġja;

minimu ta' 20 % għal piżijiet ta' riskju medji (peżati skont l-iskopertura) għal skoperturi għal proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fin-Norveġja, taħt l-Artikolu 458(2)(d)(iv) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif applikabbli għal u fin-Norveġja In-Norveġja mill-31 ta' Diċembru 2022 skont it-termini tal-Ftehim taż-ŻEE (minn hawn 'il quddiem is-'CRR kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja mill-31 ta' Diċembru 2022’), lill-istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati fin-Norveġja li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB) għal il-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali regolatorji;

limitu minimu tal-piż tar-riskju medju ta' 35 % għal skoperturi ta’ proprjetà immobbli kummerċjali fin-Norveġja, bis-saħħa tal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tas-CRR kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja fil-31 ta’ Diċembru 2022, lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fin-Norveġja li jużaw l-approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali regolatorji.

(*1)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3."

2.

l-Anness huwa emendat skont l-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Marzu 2023.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(5)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(6)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transfruntiera ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).

(7)  Rakkomandazzjoni BERS/2017/4 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Ottubru 2017 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 431, 15.12.2017, p. 1).

(8)  ĠU L 321, 12.12.2019, p. 170.

(9)  Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta' entitajiet eżentati, kumpanniji azzjonarji finanzjarji, kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta' konservazzjoni ta' kapital (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253).

(10)  Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta’ ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 4).

(11)  Deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Rakkomandazzjoni BERS/2021/3 tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku tat-30 ta’ April 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transfruntiera ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 222, 11.6.2021, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 huwa emendat kif ġej:

1.

il-miżuri taħt in-Norveġja huma sostitwiti b’dan li ġej:

“—

rata ta” riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 4,5 % għal skoperturi fin-Norveġja applikata f’konformità mal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE, kif applikata għan-Norveġja u fin-Norveġja fl-31 ta’ Diċembru 2022 skont it-termini tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) (minn hawn ’il quddiem is-“CRD kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja fl-31 ta’ Diċembru 2022”), għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fin-Norveġja;

limitu minimu tal-piż tar-riskju medju ta’ 20 % għal skoperturi ta’ proprjetà immobbli residenzjali fin-Norveġja, applikat f’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif applikat għan-Norveġja u fin-Norveġja fil-31 ta’ Diċembru 2022 skont it-termini tal-Ftehim ŻEE (minn hawn ’il quddiem is-“CRR kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja fil-31 ta’ Diċembru 2022), għal istituzzjonijiet ta” kreditu, awtorizzati fin-Norveġja, li jużaw l-approċċ ibbażat fuq il-klassifikazzjoni interna (IRB) għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali regolatorji;

limitu minimu tal-piż tar-riskju medju ta’ 35 % għal skoperturi ta’ proprjetà immobbli kummerċjali fin-Norveġja, applikat f’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tas-CRR kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja fil-31 ta’ Diċembru 2022 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fin-Norveġja, li jużaw l-approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital regolatorji.

2.

I. Id-deskrizzjoni tal-miżuri hija emendata kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

B'effett mill-31 ta' Diċembru 2020, il-Finansdepartementet (il-Ministeru tal-Finanzi Norveġiż) introduċa tliet miżuri makroprudenzjali, jiġifieri (i) riżerva ta' riskju sistemiku għal skoperturi li jinsabu fin-Norveġja, skont l-Artikolu 133 tas-CRD kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja mill-31. Diċembru 2022; (ii) livell minimu tal-piż tar-riskju għal skoperturi għal proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fin-Norveġja, skont l-Artikolu 458(2)(d)(iv) tas-CRR kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja mill-31 ta’ Diċembru 2022; u (iii) livell minimu tal-piż tar-riskju għal skoperturi għal proprjetà immobbli kummerċjali li tinsab fin-Norveġja, skont l-Artikolu 458(2)(d)(iv) tas-CRR kif applikabbli għan-Norveġja u fin-Norveġja mill-31 Diċembru 2022.”;

(b)

fil-paragrafu 2 “31 ta’ Diċembru 2022” hija sostitwita bi “30 ta’ Diċembru 2023”;

3.

II. Ir-reċiproċità hija emendata kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5a.

Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżuri Norveġiżi għal skoperturi li jinsabu fin-Norveġja f’konformità mal-Artikolu 134(1) tad-Direttiva 2013/36/UE u mal-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, rispettivament. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw ir-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku fi żmien 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (**) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-limiti minimi tal-piż tar-riskju għall-iskoperturi tal-proprjetà immobbli residenzjali u kummerċjali fin-Norveġja jiġu reċiprokati fil-perijodu tranżitorju standard ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5b.

Peress li t-tnaqqis tal-livell limitu ta’ materjalità kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni BERS/2023/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (***) jista’ jirrikjedi li awtorità rilevanti tadotta miżura nazzjonali ta’ reċiproċità ġdida jew temenda miżuri nazzjonali eżistenti li jirreċiprokaw il-miżura Norveġiża ta’ riżerva għal riskju sistemiku, japplika l-perijodu tranżitorju standard ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2023/1 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ reċiproċità.

(**)  ĠU C 222, 11.6.2021, p. 1."

(***)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.”;"

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.

Jekk l-istess miżuri ta’ politika makroprudenzjali ma jkunux disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, f’konformità mas-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżuri ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollhom l-aktar effett ekwivalenti għall-miżuri msemmija hawn fuq rakkomandati għar-reċiprokazzjoni. L-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jadottaw il-miżuri ekwivalenti għar-reċiprokazzjoni tal-limiti minimi tal-piż tar-riskju medju għal skoperturi ta’ proprjetà immobbli residenzjali u kummerċjali fi żmien 12-il xahar u għar-reċiprokazzjoni tar-rata tar-riżerva għal riskju sistemiku fi żmien 18-il xahar, rispettivament, wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2021/3 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sa fejn it-tnaqqis tal-livell limitu ta’ materjalità jirrikjedi li awtorità rilevanti tadotta miżura nazzjonali ta’ reċiprokazzjoni ġdida kif deskritta f’dan is-subparagrafu jew temenda miżuri nazzjonali eżistenti li jirreċiprokaw il-miżura Norveġiża ta’ riżerva għal riskju sistemiku, japplika l-perijodu tranżitorju standard ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2023/1 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ reċiproċità.”;

(c)

il-paragrafu 7 huwa mħassar;

4.

fi III. Livell minimu tal-materjalità, paragrafu 8, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għar-riżerva għal riskju sistemiku, il-livell limitu ta’ materjalità huwa stabbilit għal ammont tal-iskopertura ponderat għar-riskju ta’ NOK 5 biljun, li jikkorrispondi għal madwar 0.16 % tal-iskoperturi totali ponderati għar-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jirrapportaw fin-Norveġja;”;


(**)  ĠU C 222, 11.6.2021, p. 1.

(***)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.”;”


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/7


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-3 ta' Mejju 2023

(2023/C 158/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1043

JPY

Yen Ġappuniż

149,66

DKK

Krona Daniża

7,4514

GBP

Lira Sterlina

0,88265

SEK

Krona Żvediża

11,3265

CHF

Frank Żvizzeru

0,9809

ISK

Krona Iżlandiża

150,10

NOK

Krona Norveġiża

11,8860

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

23,559

HUF

Forint Ungeriż

375,63

PLN

Zloty Pollakk

4,5820

RON

Leu Rumen

4,9302

TRY

Lira Turka

21,5057

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6564

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5045

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,6687

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7717

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4704

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 472,70

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

20,1657

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6330

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 211,37

MYR

Ringgit Malażjan

4,9174

PHP

Peso Filippin

61,083

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

37,524

BRL

Real Brażiljan

5,5521

MXN

Peso Messikan

19,8311

INR

Rupi Indjan

90,3465


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-EFTA

4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/8


Talba għal Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti tal-EFTA mill-Fürstliches Obergericht bid-data tal-25 ta’ Ottubru 2022 fil-kawża ta’ Alexander Amann

(Il-Kawża E-14/22)

(2023/C 158/03)

Saret talba lill-Qorti tal-EFTA, bid-data tal-25 ta’ Ottubru 2022, mill-Fürstliches Obergericht, (il-Qorti tal-Appell tal-Prinċipat), u li waslet għand ir-Reġistru tal-Qorti fis-16 ta’ Novembru 2022, għal Opinjoni Konsultattiva fil-kawża ta’ Alexander Amann dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

1.

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern tipprekluda dispożizzjoni bħall-Paragraph 35(1)(c) tal-Linji Gwida Professjonali tal-Kamra tal-Avukati ta’ Liechtenstein li tipprojbixxi avukati milli joffru servizzi professjonali lil kategoriji speċifiċ ta’ klijenti protenzjali u li għandha tiġi interpretata, f’konformità mal-interpretazzjoni adottata mil-Liechtenstein Staatsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali), bħala li “tipprojbixxi reklamar proattiv minn avukati fejn joffru s-servizzi tagħhom f’ċerti sitwazzjonijiet lil (gruppi ta’) nies magħżula li ma jkunux esprimew huma stess interess f’dawk is-servizzi”?

2.

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123/KE għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li dispożizzjoni nazzjonali ma tistax, b’mod ġenerali, tipprojbixxi avukati, b’inizjattiva tagħhom, milli jikkuntattjaw permezz ta’ ittra, klijenti potenzjali li qabel ma kenux klijenti tagħhom, wara li jkunu aċċertaw l-indirizzi personali tagħhom, u milli joffrulhom s-servizzi tagħhom, b’mod partikolari billi jippreżentaw azzjoni għal danni f’każ ta’ dannu li jolqot lilhom biss l-aktar bħala investituri?


4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/9


SENTENZA TAL-QORTI

tal-24 ta’ Jannar 2023

fil-Kawża E-1/22

G. Modiano Limited u Standard Wool (UK) Limited vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

(Għajnuna mill-Istat - Skema Norveġiża ta’ Sussidju għas-Suf - Azzjoni għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA - Ċaħda ta’ lment - Deċiżjoni meħuda fi tmiem l-istadju ta’ eżami preliminari - Stqarrija tar-raġunijiet - Nuqqas ta’ tibdil sostanzjali tal-għajnuna eżistenti)

(2023/C 158/04)

Fil-Kawża E-1/22, G. Modiano Limited u Standard Wool (UK) Limited vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA - RIKORS li jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fil-Kawża Nru 84045 tad-9 ta’ Novembru 2021, is-Sistema Norveġiża tas-Sussidji tas-Suf, il-Qorti, magħmula minn Páll Hreinsson, President (Imħallef Relatur), Bernd Hammermann u Ola Mestad (ad hoc), Imħallfin, tat sentenza fl-24 ta’ Jannar 2023, li l-parti operattiva tagħha hija kif ġej:

Il-Qorti b’dan:

1.

Tiċħad l-azzjoni fl-intier tagħha;

2.

Tordna li G. Modiano Limited u Standard Wool (UK) Limited għandhom iġorru l-ispejjeż tagħhom u jħallsu in solidum l-ispejjeż imġarrba mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.


4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/10


SENTENZA TAL-QORTI

tal-24 ta’ Jannar 2023

fil-Kawża E-5/22

Christian Maitz vs Liechtensteinische Alters- und Hinterlassenenversicherung, Litttensteinische Invalidenversicherung, u Litttensteinische Familienausgleichskasse

(Sigurtà soċjali - Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 - Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 - Residenza f’pajjiż terz - Persuna li taħdem għal rasha - Applikabbiltà tal-liġi taż-ŻEE - Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva - L-Artikolu 3 ŻEE - Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera)

(2023/C 158/05)

Fil-Kawża E-5/22, Christian Maitz vs Litttensteinische Alters- und Hinterlassenenversicherung, Litttensteinische Invalidenversicherung, u Litttensteinische Familienausgleichskasse - TALBA lill-Qorti skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti tal-Appell tal-Prinċipat (Fürstliches Obergericht), fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, il-Qorti, komposta minn Páll Hreinsson, President (Imħallef Relatur), Bernd Hammermann u Ola Mestad (ad hoc), Imħallfin, tat sentenza fl-24 ta’ Jannar 2023, li l-parti operattiva tagħha hija kif ġej:

1.

Mhijiex kundizzjoni skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għal ċittadini ta’ Stat taż-ŻEE li jkunu residenti wkoll fi Stat taż-ŻEE biex ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dak ir-regolament.

Ftehim konkluż minn Stat taż-ŻEE ma’ pajjiż terz, li għandu l-għan li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għal dak il-pajjiż terz, ma jistax jimponi r-residenza ta’ individwu bħala kundizzjoni li tiddevja mill-Artikoli 2(1) u 11 ta’ dak ir-regolament.

2.

L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx il-ħruġ ta’ attestazzjoni esklużivament fil-forma ta’ Dokument Portabbli A1 biex jipproduċi l-effetti legali stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2023/C 158/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Ciliegia di Lari”

Nru tal-UE: PGI-IT-02855 - 30.6.2022

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew l-IĠP]

“Ciliegia di Lari”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.    Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.    Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ciliegia di Lari” tirreferi għall-frott taċ-ċirasa ħelwa Prunus avium L, tal-familja Rosaceae. Din tkopri firxa wiesgħa ta’ varjetajiet, minn dawk imlaħħma b’mod delikat sa dawk sodi u jqarmċu, bi qxur ileqq li jvarja minn aħmar jgħajjat għal aħmar skur. Hemm ukoll varjetajiet lokali mħallta, li jwessgħu l-firxa disponibbli għall-konsumaturi u joffru aktar kwalitajiet. Il-varjetajiet huma:

Adriana, Big star, Bigarreau Moreau, Bigarreau Burlat, Bigarreau Napoleon, Black star, Celeste, Durone di Vignola, Early bigi, Early Korvik, Early star, Folfer, Ferrovia, Giorgia, Grace star, Isabella, Kordia, Kossara, Lala star, Lapins, Lory strong, New star, Prime Giant, Regina, Rita, Rocket, Sabrina, Samba, Sandra, Sylvia, SMS 280, Stella, Summer charm, Sunburst, Sweet Early, Sweet Heart, Van, Vera, Frisco, Royal Helen, Red Pacific, Nimba, Marysa, Durone giallo, Bella di Pistoia u Durone nero I.

Kultivari lokali u tradizzjonali: Crognolo, Cuore, Del Paretaio, Di Giardino, Di Nello, Di Guglielmo, Gambolungo, Marchiana, Morella, Papalina, Orlando, Precoce di Cevoli, Siso u Usigliano.

Meta ssir disponibbli għall-konsum, l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ciliegia di Lari” għandu jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

Karatteristiċi tal-kwalità

togħma ħelwa u ta’ frott naturali

zkuk imwaħħla mal-frotta

gradi Brix mhux inqas minn 14°.

Daqs

Il-frott maħsub biex jittiekel frisk għandu jkun ta’ daqs minimu ta’ 22 mm, bl-eċċezzjoni ta’ frott ta’ varjetajiet lokali jew tradizzjonali, li d-daqs minimu tiegħu huwa ta’ 13 mm.

Karatteristiċi relatati mas-saħħa u l-estetiċi tal-frotta

sħiħa u mhux imħassra

nadif, ħieles minn kull materja barranija viżibbli

b’saħħtu, mingħajr moffa u residwi viżibbli ta’ prodotti għas-saħħa tal-pjanti

ħieles mill-pesti.

3.3.    Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.    Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Iċ-“Ciliegia di Lari” trid titkabbar fiż-żona ddefinita fil-punt 4.

3.5.    Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Iċ- “Ciliegia di Lari” tista’ ssir disponibbli għall-konsum f’imballaġġ issiġillat b’tali mod li, ladarba tinfetaħ, ma tkunx tista’ terġa’ tintuża.

Iċ-ċirasa maħsuba għall-ipproċessar, li ma tistax tkun disponibbli għall-konsumatur aħħari bħala frott frisk, tista’ tinbiegħ bl-ingrossa.

3.6.    Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-ippakkjar kollu għandu jkollu l-indikazzjonijiet li ġejjin:

a)

CILIEGA DI LARI IĠP

b)

Il-logo “Ciliegia di Lari”, deskritt hawn taħt

c)

Il-logo Ewropew tal-IĠP fl-istess kamp viżiv bħal-logo msemmi hawn fuq, il-punt (b);

d)

l-isem u l-indirizz (tan-negozju) ta’ min jippakkja.

L-użu ta’ indikazzjonijiet li jirreferu għal kumpaniji, ismijiet, ismijiet kummerċjali, trademarks privati u konsorzji huwa permess ukoll, sakemm dawn ma jkollhomx skop ta’ tifħir u x’aktarx ma jqarrqux bix-xerrej jew il-konsumatur.

Għaċ-ċirasa maħsuba għall-ipproċessar, minbarra l-informazzjoni legalment meħtieġa, mill-inqas naħa waħda tal-ippakkjar jew tal-kontenitur għandu jkollha l-kliem “Ciliegia di Lari IĠP għall-ipproċessar” b’karattri li jinqraw b’mod ċar. Il-logo “Ciliegia di Lari” huwa kif ġej:

Image 1

Id-daqs tal-logo jista’ jvarja skont l-imballaġġ, iżda d-dimensjonijiet standard iridu jibqgħu proporzjonati.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ciliegia di Lari” tinkludi t-territorju amministrattiv tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Casciana Terme – Lari, Terricciola and Crespina-Lorenzana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-applikazzjoni għar-rikonoxximent taċ- “Ciliegia di Lari” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni storika, ibbażata fuq il-kwalità tal-prodott. Dan minħabba aspetti speċifiċi taż-żona ġeografika li huma ta’ benefiċċju għall-kultivazzjoni tas-siġar taċ-ċirasa. Dawn jinkludu l-ħamrija u l-klima, il-fatturi agrikoli, soċjali, kulturali u ekonomiċi. L-interazzjoni ta’ dawn il-fatturi stabbiliet ir-reputazzjoni tal-prodott bħala marbuta mal-post, sal-punt li ġie identifikat bl-isem ta’ Lari.

L-istorja twila tal-produzzjoni taċ-“Ciliegia di Lari” ħolqot relazzjoni mill-qrib mal-konsumaturi. Japprezzaw il-kwalità distintiva partikolari: ħlewwa naturali. Fil-post tal-bejgħ, il-konsumaturi jaċċettaw li l-prezz huwa ogħla minn dak għaċ-ċirasa minn bnadi oħra.

Iż-żona ġeografika demarkata msemmija fil-punt 4 minn dejjem kienet żona ta’ produzzjoni sinifikanti taċ-ċirasa, kif muri minn studji u stħarriġiet storiċi u reċenti (M. Basso, S. Natali, 1959; A. Funghi, 2004; diversi awturi, editjat minn R. Massai, 2013).

Iż-żona tal-produzzjoni taċ-“Ciliegia di Lari” hija kkaratterizzata minn ħamrija u kundizzjonijiet klimatiċi li huma partikolarment adattati għall-kultivazzjoni tas-siġar taċ-ċirasa. Dawn il-fatturi jinfluwenzaw direttament il-kwalità tal-frott, attribwibbli għall-ħlewwa naturali tiegħu (gradi Brix).

Il-konsistenza tal-ħamrija flimkien max-xejriet tat-temperatura u tax-xita huma ż-żewġ fatturi li jikkaratterizzaw iż-żona tal-produzzjoni taċ-“Ciliegia di Lari” u huma kapaċi jinfluwenzaw il-kwalità tal-frott: ħlewwa espressa fi gradi Brix.

Il-karatteristiċi fiżiċi tal-ħamrija agrikola taż-żona, magħmula minn ramel, ħama u tafal, bis-saħħa tar-riżorsi tal-ilma li huma tipikament kapaċi jaħżnu, jippermettu lill-kultivaturi jkollhom siġar bi żvilupp ibbilanċjat sew fit-tliet stadji fenoloġiċi kollha: il-fjoritura, il-ġabra tal-frott u l-maturazzjoni. Dawn l-istadji huma kruċjali għall-produzzjoni tal-frott b’konċentrazzjoni ottimali ta’ zokkor (gradi Brix).

Ix-xejriet tat-temperatura u tax-xita taż-żona tal-produzzjoni huma kkaratterizzati minn bosta fatturi li huma ta’ benefiċċju għall-produzzjoni taċ-ċirasa ħelwa naturali, mingħajr fatturi negattivi li jakkumpanjawhom. Iż-żona mhijiex affettwata b’mod speċjali minn ġlata tard, li tista’ timpedixxi l-fjoritura. It-temperaturi moderati tar-rebbiegħa huma akkumpanjati minn xita moderata, li tiggarantixxi l-aħjar fjuri u l-frott. Bl-istess mod, ix-xita infrekwenti matul l-aħħar stadju tal-maturazzjoni tillimita kwalunkwe problema ta’ qasma taċ-ċirasa.

L-esperjenza tat-tkabbir taċ-ċirasa mibnija mill-bdiewa taż-żona għal żmien twil ippermettitilhom li jieħdu l-benefiċċju massimu mit-tqabbil tal-karatteristiċi naturali tal-art mal-potenzjal tal-varjetajiet differenti — il-kombinazzjoni essenzjali għall-produzzjoni ta’ frott ta’ kwalità.

Il-firxa tal-varjetajiet permessi għaċ-“Ciliegia di Lari” hija wiesgħa u dan huwa riżultat tal-mod ibbilanċjat sew li l-produtturi ġabru flimkien il-kapaċità li jadattaw għall-ambjent u l-kisba tas-sodisfazzjon tal-klijenti, fi kliem ieħor: is-sinerġija soda u ta’ suċċess bejn iċ-ċirasa, l-ambjent u r-riżorsi umani.

Il-firxa ta’ varjetajiet tibda minn dawk imlaħħma b’mod delikat sa dawk sodi u jqarmċu, bi qxur li jvarja fil-lewn minn aħmar jgħajjat għal aħmar skur. Il-firxa hija kkaratterizzata wkoll bl-inklużjoni ta’ varjetajiet lokali differenti li jżidu mal-għażla disponibbli għall-konsumaturi u joffru aktar kwalitajiet (Roselli G., Mariotti P., Il germoplasma del ciliegio [Il-ġermoplażma tas-siġra taċ-ċirasa] — 1. Provincia di Pisa, ARSIA e CNR Istituto sulla Propagazione delle Specie Legnose, Firenze, 1999).

Iċ-“Ciliegia di Lari” fil-midja

Il-pubblikazzjonijiet li jsemmu ċ-“Ciliegia di Lari” jinkludu: L'Italia del biologico [L-Italja tal-organiku], 2002, page 86, Guida Touring Club italiano; Elena Tedeschi, Toscana inconsueta. Appunti ed itinerari per viaggiare oltre [It-Toskana differenti, noti u itinerarji għal vjaġġi lil hinn mill-mogħdija magħrufa], 2017, goWare;

Frutta e Ortaggi in Italia [Frott u ħxejjex friski], 2005, Guida Touring Club italiano.

Fama fl-imgħoddi u fil-preżent. It-telekronaka mqassma b’mod nazzjonali fis-swali taċ-ċinema — La settimana INCOM, No 01925, “Italja, Lari (Pisa): ir-raba” festival taċ-ċirasa”, tas-26 ta’ Mejju 1960, magħmul mill-kumpanija tal-films INCOM, sussegwentement akkwistat mill-Instituto Luce. L-episodju juri kif l-isem “Ciliegia di Lari” ilu parti mid-diskors ta’ kuljum u t-taħdit kummerċjali minn dak iż-żmien ‘l hawn.

Sal-lum, il-produzzjoni taċ-ċirasa fiż-żona demarkata hija sinonima mal-benna u l-ħlewwa. Għalhekk, il-frott jingħaraf ukoll mill-konsumaturi fil-punti tal-bejgħ fi ktajjen kbar tal-bejgħ bl-imnut fejn il-prodott jinbiegħ taħt l-isem “Ciliegia di Lari”.

Dawn il-fatturi kollha jfissru li l-konsumaturi identifikaw, u jkomplu jidentifikaw, il-prodott taż-żona demarkata msemmija fl-Artikolu 3 hawn fuq bħala “Ciliegia di Lari”.

L-isfond storiku

Kif iddikjaraw diversi awturi, it-tkabbir taċ-“Ciliegia di Lari” għandu għeruq antiki fl-għoljiet ta’ Pisa. L-esperjenza tal-bdiewa lokali, li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra u appoġġjata minn riċerka kontinwa u l-implimentazzjoni ta’ tekniki speċifiċi ta’ kultivazzjoni, wittiet it-triq biex il-kultivazzjoni taċ-“Ciliegia di Lari” tiġi stabbilita b’suċċess matul iż-żmien, u saret parti mill-wirt storiku, tradizzjonali u kulturali ta’ żona fejn Lari hija ċ-ċentru ewlieni ta’ konservazzjoni u żvilupp.

Storikament, diversi dokumenti jenfasizzaw il-kultura ta’ sekli sħaħ u t-tradizzjoni tat-tkabbir taċ-ċirasa fiż-żoni demarkati msemmija fl-Artikolu 3. Mis-seklu 18’il quddiem, fis-suq magħluq ta’ Lari, li kien wieħed mill-akbar u l-aktar prestiġjuż fil-provinċja ta’ Pisa sas-snin 1950, iċ-ċirasa kienet il-prodott tal-għażla. Dawn kienu apprezzati ħafna mill-bejjiegħa bl-ingrossa u mill-konsumaturi, kemm għat-togħma delizzjuża tagħhom kif ukoll minħabba li kienu jimmaturaw kmieni, fatturi li taw spinta addizzjonali lill-produzzjoni, kif ukoll il-fatt li din iċ-ċirasa kellha prezz tajjeb. (Tremolanti E., “Profilo storico delle cultivar di ciliegio con particolare riguardo al territorio larigiano” [Profil storiku ta’ varjetajiet taċ-ċirasa b’referenza speċjali għar-reġjun ta’ Lari], Fi Spunti di Natura economica: cenni di storia di cerealicoltura, panificazione, viticoltura e cultivar di ciliegio [Punti ta’ natura ekonomika: storja qasira tat-tkabbir tal-qmuħ, tal-produzzjoni tal-ħobż, tal-vitikultura u tal-varjetajiet taċ-ċirasa] CLD Libri, Calcinaia (Pi), 2010).

Fid-dawl tal-importanza ekonomika u kulturali taċ-ċirasa għal Lari, bis-saħħa tal-inizjattiva ta’ xi nies lokali, fl-1957 sar l-ewwel “Festival taċ-Ċirasa” f’Lari. Mingħajr dubju, huwa wieħed mill-eqdem avvenimenti bħal dawn u l-aktar wieħed magħruf, li għalihom attendew ħafna mijiet ta’ viżitaturi. Mill-1957, saru 66 “Festival taċ-Ċirasa ta’ Lari”, li baqgħu għaddejjin mingħajr interruzzjoni sal-lum. Minbarra li tidher f’firxa ta’ pubblikazzjonijiet, din il-kontinwità turi l-importanza ekonomika u kulturali taċ-“Ciliegia di Lari” għaż-żona li storikament ipproduċietha.

L-apprezzament tal-prodott bħala ingredjent jidher ukoll fir-riċetti għad-deżerti li jidhru fuq l-internet, pereżempju fuq is-siti web popcuisine.it u gazzettadelgusto.it. Hemm ukoll riċetti ppubblikati fil-kotba tat-tisjir, bħal Il gelato a modo mio [Il-ġelat kif nagħmlu jien], Simone Bonini, Giunti 2016.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika dwar l-Agrikoltura, l-Ikel, il-Forestrija u t-Turiżmu (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fin-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/16


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2023/C 158/07)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Vallée du Torgan”

PGI-FR-A1112-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 24.2.2023

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Żona fil-prossimità immedjata

It-taqsima 4.2 – Żona fil-prossimità – tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta Vallée du Torgan hija emendata. Il-lista tal-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona fil-prossimità immedjata ġiet aġġornata, mingħajr ebda tibdil, f’konformità mal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2022.

Din l-emenda editorjali tippermetti li ż-żona ġeografika tiġi identifikata b’referenza għall-verżjoni tal-2022 tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li huwa ppubblikat mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi (INSEE), u tagħti ċertezza legali lid-delimitazzjoni taż-żona ġeografika.

Id-Dokument Uniku ġie aġġornat fit-taqsima intitolata “Rekwiżiti addizzjonali – żona fil-prossimità immedjata”.

2.   Varjetajiet tad-dwieli

It-taqsima 5 – Varjetajiet tad-dwieli – tal-Kapitolu I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta Vallée du Torgan hija emendata. Il-lista tal-varjetajiet magħżula għall-produzzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta hija emendata kif ġej:

L-introduzzjoni ta’ 13-il varjetà magħrufa li huma reżistenti għall-mard tad-dwieli:

artaban N, cabernet blanc B, cabernet cortis N, floréal B, monarch N, muscaris B, Prior N, saphira B, soreli B, souvignier gris Rs. sauvignac B, vidoc N, voltis B.

L-introduzzjoni ta’ 14-il varjetà bil-potenzjal li jadattaw għat-tibdil fil-klima:

agiorgitiko N, alvarinho B, assyrtyko B, calabrese N carricante B, fiano B, montepulciano N, moschofilero Rs, parrellada B, primitivo N, roditis Rs, touriga nacional N, verdejo B, xinomavro N.

Dawn il-varjetajiet huma varjetajiet reżistenti għan-nixfa u għall-mard fungali. Dawn inaqqsu l-ħtieġa tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti iżda fl-istess ħin jikkorrispondu għall-varjetajiet użati fil-produzzjoni tal-IĠP kemm fil-kapaċitajiet fiżjoloġiċi kif ukoll f’dawk enoloġiċi. Dawn ma jbiddlux il-karatteristiċi tal-inbejjed tal-IĠP.

It-tneħħija tal-varjetajiet tad-dwieli li ġejjin: Altesse B, Mondeuse N.

Dawn l-emendi saru wkoll fit-taqsima “Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed” tad-Dokument Uniku.

3.   Korp ta’ spezzjoni

Il-Kapitolu III tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan huwa emendat biex tiġi ssimplifikata t-taqsima “Korp ta’ spezzjoni” billi jiġi speċifikat li l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għandha tiġi vverifikata skont pjan ta’ spezzjoni approvat u minn korp terz iddelegat mill-INAO u li joffri garanziji ta’ kompetenza, imparzjalità u indipendenza.

Din is-simplifikazzjoni ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Vallée du Torgan

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

IĠP - Indikazzjoni ġeografika protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

DESKRIZZJONI QASIRA

L-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan tkopri biss inbejjed ħomor, rożè, gris, gris de gris u bojod bla gass.

Inbid “gris” huwa nbid rożè b’kulur roża dgħajjef ħafna. Inbid “gris de gris” jirreferi għal inbid griż magħmul esklużivament minn varjetajiet tad-dwieli griżi.

L-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan għandhom aċidità volatili massima ta’ 13,26 meq/l (0,65 g/l espressi bħala H2SO4) jew 15,30 meq/l (0,75 g/l bħala H2SO4) għall-inbejjed li jkunu temmew il-fermentazzjoni malolattika tagħhom fl-istadju tal-ippakkjar.

Il-livelli (minimi jew massimi) tal-qawwa alkoħolika totali skont il-volum, l-aċidità totali u t-total ta’ diossidu tal-kubrit huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

L-inbejjed ħomor għandhom kulur ftit jew wisq skur. Kemm f’termini ta’ riħa kif ukoll fit-togħma, jesprimu l-karattru Mediterranju tagħhom, li jgħaqqad noti ta’ frott aħmar u tax-xagħri, li spiss jevolvu f’laqtiet imħawra. L-istruttura tvarja skont il-maturità u l-profili tal-produzzjoni tal-inbid, iżda l-inbejjed normalment ikollhom tannini maturi u fini.

L-inbejjed rożè għandhom kulur li jvarja minn griż ċar ħafna, għall-inbejjed gris de gris, għal rożè aktar skur skont il-varjetajiet tad-dwieli użati u t-tekniki tal-maċerazzjoni. Dawn l-inbejjed għandhom freskezza kbira karatteristika ta’ noti ta’ frott jew fjuri.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-inbejjed bojod għandhom kulur isfar ċar. Jesprimu ruħhom f’bilanċ, bejn ikkonċentrat u mhux aċiduż, u frisk, u jenfasizzaw aromi ta’ frott, normalment frott abjad bħall-ħawħ u l-berquq.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

11

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u rrestrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

Fir-rigward tal-prattiki enoloġiċi, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi tas-Sajd Rurali u Marittimu.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Inbejjed ħomor

80 ettolitru għal kull ettaru

2.

Inbejjed rożè u bojod

90 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni u l-produzzjoni tal-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan iridu jsiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Aude: Paziols, Tuchan.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Agiorgitiko N

Alicante Henri Bouschet N

Alvarinho - Albariño

Artaban N

Assyrtiko B

Bourboulenc B - Doucillon blanc

Cabernet blanc B

Cabernet cortis N

Cabernet franc N

Cabernet-Sauvignon N

Calabrese N

Carignan N

Carignan blanc B

Carmenère N

Carricante

Chardonnay B

Chasan B

Chenanson N

Chenin B

Cinsaut N - Cinsault

Clairette B

Clairette rose Rs

Colombard B

Cot N - Malbec

Fiano

Floreal B

Gamay N

Gewurztraminer Rs

Grenache N

Grenache blanc B

Grenache gris G

Gros Manseng B

Macabeu B - Macabeo

Marsanne B

Marselan N

Mauzac B

Merlot N

Monarch N

Montepulciano

Morrastel N - Minustellu, Graciano

Moschofilero Rs

Mourvèdre N - Monastrell

Muscaris B

Muscat d’Alexandrie B - Muscat, Moscato

Muscat de Hambourg N - Muscat, Moscato

Muscat à petits grains blancs B - Muscat, Moscato

Muscat à petits grains rouges Rg - Muscat, Moscato

Nielluccio N - Nielluciu

Négrette N

Parrellada B

Petit Manseng B

Petit Verdot N

Pinot blanc B

Pinot gris G

Pinot noir N

Piquepoul blanc B

Portan N

Primitivo N - Zinfandel

Prior N

Riesling B

Roditis Rs

Roussanne B

Saphira B

Sauvignac

Sauvignon B - Sauvignon blanc

Sauvignon gris G - Fié gris

Semillon B

Soreli B

Souvignier gris Rs

Sylvaner B

Syrah N - Shiraz

Tempranillo N

Terret blanc B

Touriga nacional N

Ugni blanc B

Verdejo B

Vermentino B - Rolle

Vidoc N

Viognier B

Voltis B

Xinomavro N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika u speċifiċità tal-prodott

Madwar tletin kilometru ’l bogħod mill-baħar Mediterran f’linja dritta u fil-Lvant tal-Massif des Corbières fid-département ta’ Aude, li jinsab fin-Nofsinhar ta’ Franza f’Languedoc-Roussillon, iż-żona ġeografika testendi fuq il-muniċipalitajiet ta’ Tuchan u Paziols f’qiegħ il-muntanja ta’ Tauch, li għandha altitudni ta’ 917-il metru. Il-pajsaġġ jikkonsisti f’żona ċentrali, “sorte de vallée” (tip ta’ wied), imdawra b’għoljiet weqfin. Id-dwieli huma l-kultivazzjoni ewlenija u jkopru aktar minn 1 200 ha f’dawn iż-żewġ muniċipalitajiet.

Il-konfini lejn it-Tramuntana hija mmarkata mill-Col d’Extrême li, ladarba jinqasam, jippermetti li titkompla t-triq lejn Villeneuve. Fil-Lvant, il-pjanura kalkarja ta’ Serre d’en Mouysset titla’ u tingħaqad mal-entraturi marittimi. Fin-Nofsinhar, il-konfini tad-département ta’ Pyrénées-Orientales tintlaħaq minn triq b’għadd kbir ta’ dawriet. Fl-aħħar nett, l-aċċess lejn il-Punent huwa kanal wieqaf li jgħaddi tul ix-xmajra “Le Verdouble” lejn il-villaġġ ta’ Cucugnan.

It-Torgan, li ta ismu lill-IĠP Vallée du Torgan, hija xmajra li tnixxi minn Mont Tauch u tingħaqad mal-Verdouble.

L-istorja ġeoloġika ta’ din iż-żona hija kumplessa u wasslet għal diversità kbira ħafna ta’ ħamrija. Mill-madwar 20 ħamrija ddefinita b’dan il-mod, l-aktar irrappreżentati huma x-shale fit-Tramuntana taż-żona, il-kolluvji kalkarji jew dik tal-ġebel tar-ramel f’qiegħ il-muntanja ta’ Tauch, il-lom Triassiku, il-puddingstone jew konglomerati li jikkonsistu f’ġebel irrumblat fin-naħa ta’ fuq ta’ Paziols u fil-Lvant ta’ Tuchan: kollha għandhom kontenut għoli ta’ ġebel u fond minn baxx sa medju. Fl-aħħar nett, iż-żona ċentrali hija magħmula minn terrazzi taż-żrar u ħamrija taflija kalkarja b’fond akbar.

Il-klima hija Mediterranja sħuna u xotta. Il-preċipitazzjoni annwali medja hija ta’ madwar 700 mm, u x-xita hija kkonċentrata f’numru limitat ta’ jiem fil-ħarifa u fir-rebbiegħa u spiss tagħmel fil-forma ta’ maltempati kbar u ħalbiet ta’ xita vjolenti. Il-livelli tax-xemx huma għoljin. Riħ qawwi mit-Tramuntana msejjaħ Tramontane (sa 200 jum ta’ riħ fis-sena) jista’ jonfoħ għal ħafna jiem konsekuttivi b’aktar minn 80 km/h. Dan ir-riħ xott jgħin jiġġieled il-moffa waqt il-perjodu tat-tkabbir u jillimita r-riskji ta’ attakki mill-Botrytis cinerea waqt il-qtugħ.

Matul is-seklu 19, id-dwieli ħadu preċedenza fuq attivitajiet agrikoli oħra, b’mod partikolari l-kultivazzjoni taċ-ċereali u tas-siġar taż-żebbuġ li ntlaqtu ħażin minn ġlata qawwija matul ix-xtiewi ħorox ħafna.

Wara l-kriżi tal-inbid tal-1907, il-produtturi tal-inbid organizzaw u bnew il-kantina kooperattiva ta’ Tuchan fl-1913 u dik ta’ Paziols fis-sena ta’ wara. Dan it-territorju huwa partikolarment adattat għall-kultivazzjoni tad-dwieli.

Fi Frar 1987, l-inbid lokali ta’ Torgan ġie rikonoxxut f’ħames muniċipalitajiet fid-département u ilu limitat mill-1990 għaż-żewġ muniċipalitajiet ta’ Tuchan u Paziols biss għal raġunijiet ta’ koerenza ġeografika u ta’ karatteristika tal-prodott.

Il-varjetajiet tad-dwieli tal-IĠP Vallée du Torgan huma adattati għall-kundizzjonijiet ekoloġiċi taż-żona, bil-varjetajiet tradizzjonali Mediterranji, carignan u grenache noir, li t-tnejn li huma huma perfettament adattati għal tnaqqis sinifikanti tal-ilma matul is-sajf u għall-ħamrija fqira u baxxa tal-għoljiet. Varjetajiet tradizzjonali oħra, grenaches blancs u gris, maccabeu, cinsault, muscat d’Alexandrie u muscat à petit grain, jikkompletaw il-firxa.

Matul dawn l-aħħar 15-il sena, it-tnissil sar billi ntgħażlu varjetajiet li huma partikolarment adattati għall-ħamrija u l-klima taż-żona. Sal-lum, il-varjetà Merlot għandha rwol ewlieni u tħawlet fl-aktar ħamrija fonda, b’mod partikolari f’settur alluvjali ta’ Paziols tul il-Verdouble, li jagħmilha possibbli li jiġu prodotti nbejjed li jipprovdu flessibbiltà u finezza fit-taħlitiet. It-tħawwil tal-Marselan fil-ħamrija kemxejn fqira u tas-Syrah jagħti saħħa aromatika u kumplessità lill-profil tal-inbejjed.

Ir-regoli tal-produzzjoni definiti b’mod strett jiggarantixxu l-maturità tal-għeneb u l-kwalità tal-prodott.

Il-varjetajiet maħsuda meta jkunu misjura għalkollox jagħtu l-konċentrazzjoni lill-inbid, filwaqt li jżommu l-flessibbiltà, il-freskezza u l-intensità tal-frott. L-inbejjed huma ppreżentati jew f’inbejjed varjetali jew imħallta.

Il-produzzjoni tal-inbid ta’ Torgan tvarja minn 5 000 hl għal 10 000 hl fis-sena u titwettaq prinċipalment mill-kantina kooperattiva ta’ Tuchan-Paziols u minn kantina partikolari, fejn il-volumi prodotti jiddependu ħafna mill-kundizzjonijiet tan-nixfa fis-sajf.

Il-produzzjoni tkopri t-tliet kuluri tal-inbejjed, iżda l-aktar l-inbejjed ħomor. L-inbejjed rożè qed jiżviluppaw b’mod kostanti bl-oriġinalità tal-inbejjed gris de gris magħmulin prinċipalment minn Grenache gris, li hija preżenti ħafna fit-territorju.

8.2.   Rabta kawżali bejn l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika u l-ispeċifiċità tal-prodott

L-inbejjed tal-IĠP Vallée du Torgan għandhom identità qawwija li tirriżulta mill-karatteristiċi speċifiċi taż-żona tal-produzzjoni. Il-fond baxx sa medju tal-ħamrija, il-klima Mediterranja notevoli, u l-vinja b’għoljiet ta’ bejn 100 u 300 m ’il fuq mil-livell tal-baħar jiżguraw li s-saħħa tal-pjanta tiġi kkontrollata u li jkun hemm differenza annwali medja ta’ madwar għaxart ijiem għall-maturazzjoni tal-għeneb meta mqabbla mal-vinji kostali.

Il-klima Mediterranja stretta, sħuna u xotta b’sigħat ta’ xemx konsiderevoli tħeġġeġ il-maturazzjoni perfetta tal-varjetajiet tal-IĠP, li tagħmilha possibbli li jiġu prodotti nbejjed ħomor b’aromi ta’ frott aħmar u tax-xagħri b’tannini maturi u fini, kif ukoll inbejjed rożè, gris u bojod, li jilħqu bilanċ bejn il-konċentrazzjoni għolja b’aċidità baxxa, il-freskezza u l-espressjoni aromatika.

Din il-produzzjoni tal-inbejjed tal-“Vallée du Torgan” tibbenefika wkoll mid-dinamika tal-intrapriżi li għandhom forza tal-bejgħ strutturata biex jippromwovu dan l-inbid fis-swieq tradizzjonali Franċiżi, b’distribuzzjoni wiesgħa, iżda wkoll fis-swieq tal-esportazzjoni.

Bis-saħħa ta’ dan in-network ta’ distribuzzjoni marbut sew maż-żona tal-produzzjoni tiegħu, l-inbejjed Vallée du

Torgan kisbu, matul dawn l-aħħar 20 sena, reputazzjoni li llum tippermettilhom jipprevedu żieda fil-produzzjoni tagħhom sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ swieq ġodda.

Bħala indikatur ewlieni tal-pajsaġġ, id-dwieli, li huma l-kultivazzjoni kważi esklużiva tat-territorju, huma l-mutur tal-ekonomija taż-żewġ muniċipalitajiet. Il-vinja, magħmula minn mużajk ta’ rqajja’ żgħar ta’ art, tikkontribwixxi ferm għaż-żamma ta’ ambjenti miftuħa f’pajsaġġ forestali sensittiv għan-nirien u għalhekk għandha rwol essenzjali fil-konservazzjoni tal-bijodiversità.

It-titjib kollu li sar mill-produtturi tal-inbid għal diversi ġenerazzjonijiet għalhekk għamilha possibbli li jiġi promoss it-turiżmu tal-inbid, li min-naħa tiegħu jippromwovi r-reputazzjoni tal-prodotti u l-valur tagħhom.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Żona fil-prossimità immedjata

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-prossimità immedjata ddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni u l-produzzjoni tal-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan tinkludi l-muniċipalitajiet ġirien taż-żona ġeografika li ġejjin, f’konformità mal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-1 ta’ Jannar 2022.

Id-département ta’ Aude:

Albas, Albières, Auriac, Bouisse, Cascastel-des-Corbières, Coustouge, Cucugnan, Davejean, Dernacueillette, Duilhac-sous-Peyrepertuse, Durban-Corbières, Embres-et-Castelmaure, Félines-Termenès, Fontjoncouse, Fraissé-des-Corbières, Jonquières, Lairière, Lanet, Laroque-de-Fa, Maisons, Massac, Montgaillard, Montjoi, Mouthoumet, Padern, Palairac, Quintillan, Rouffiac-des-Corbières, Saint-Jean-de-Barrou, Saint-Laurent-de-la-Cabrerisse, Salza, Soulatgé, Termes, Thézan-des-Corbières, Vignevieille, Villeneuve-les-Corbières, Villerouge-Termenès, Villesèque-des-Corbières.

Id-département ta’ Pyrénées-Orientales:

Ansignan, Bélesta, Caramany, Cases-de-Pène, Cassagnes, Caudiès-de-Fenouillèdes, Espira-de-l’Agly, Estagel, Fenouillet, Fosse, Lansac, Latour-de-France, Lesquerde, Maury, Montner, Opoul-Périllos, Peyrestortes, Pia, Planèzes, Prugnanes, Rasiguères, Rivesaltes, Saint-Arnac, Saint-Martin-de-Fenouillet, Saint-Paul-de-Fenouillet, Salses-le-Château, Tautavel, Vingrau, Vira.

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan tista’ tiġi ssupplimentata bl-isem ta’ varjetà jew varjetajiet ta’ dwieli.

L-indikazzjoni ġeografika protetta Vallée du Torgan tista’ tiġi ssupplimentata bl-indikazzjonijiet “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid).

Il-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea għandu jidher fuq it-tikketta meta l-kliem “Indication géographique protégée” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) jiġi ssostitwit bl-indikazzjoni tradizzjonali “Vin de pays” (inbid lokali).

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-5e316de2-332d-4137-9b0b-d3174f0bbdec


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/23


Avviż għall-attenzjoni ta’ Maulawi Rajab u Sultan Aziz Azam, li l-ismijiet tagħhom żdiedu mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida, bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/908

(2023/C 158/08)

1.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 (1) titlob lill-Unjoni tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-ISIL (Da’esh) u tal-Al-Qaida u ta’ individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, kif imsemmija fil-lista mfassla skont il-UNSCR 1267(1999), 1333(2000) u 2253 (2015) li trid tiġi aġġornata regolarment mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont il-UNSCR 1267(1999) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

Il-lista mħejjija minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi lil:

ISIL (Da'esh) u l-Al-Qaida;

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-Al Qaida; u

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi jew huma kkontrollati minnhom, jew b’xi mod iservu ta’ appoġġ lilhom.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità huma “assoċjati mal-” ISIL (Da'esh) u mal-Al Qaida, jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet li jsiru mill-ISIL (Da'esh) u mill-Al-Qaida jew minn kull ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnhom jew derivat tagħhom, jew flimkien magħhom, b'isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat lil xi ħadd minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal kull wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta’ appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta’ kull wieħed minnhom.

2.   

Fis-26 ta’ April 2023, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippromulga ż-żieda tal-entrati ta’ Maulawi Rajab u Sultan Aziz Azam mal-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-ISIL (Da’esh) u tal-Al-Qaida.

Maulawi Rajab u Sultan Aziz Azam jistgħu fi kwalunkwe ħin jippreżentaw talba lill-Ombudsperson tan-NU, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn, biex terġa’ tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li jiġu inklużi fil-lista tan-NU msemmija hawn fuq. Tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations - Office of the Ombudsperson

Room DC2-2206

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel. +1 2129632671

Faks +1 2129631300/3778

Email: ombudsperson@un.org

Tista’ ssib aktar informazzjoni hawn:

https://www.un.org/securitycouncil/sanctions/1267/aq_sanctions_list/procedures-for-delisting

3.   

Wara d-deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/908 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da’esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (3). L-emenda, li saret skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, iżżid l-isem ta’ Maulawi Rajab u Sultan Aziz Azam mal-lista fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-individwi u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-individwi u l-entitajiet elenkati fl-Annessi I, jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma minnhom jew ikkontrollati minnhom, inkluża terza persuna li taġixxi f’isimhom jew bid-direzzjoni tagħhom u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) mit-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-disponibbiltà, sew direttament u sew indirettament, tal-individwi u tal-entitajiet elenkati jew għall-benefiċċju tagħhom (l-Artikoli 2 u 2a); u

(2)

il-projbizzjoni li jkunu pprovduti, direttament jew indirettament, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, inklużi b’mod partikolari taħriġ u assistenza relatata mal-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha, lil kull individwu jew entità elenkati fl-Anness 1 (l-Artikolu 3).

4.   

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jipprevedi proċess ta’ rieżami fejn il-persuna jew entità elenkata jkollha l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-materja. Meta jkunu ppreżentati l-kummenti, il-Kummissjoni tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha li tinkludi l-persuna jew l-entità fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 fid-dawl ta’ dawn il-kummenti. Individwi u entitajiet miżjuda mal-Anness I permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/908 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex tikkomunikalhom ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. Din it-talba u kummenti eventwali jenħtieġ li jintbagħtu lil:

European Commission

“Restrictive measures”

Rue Joseph II 54

1049 Bruxelles/ Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.   

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2023/908 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.   

Biex ikun hemm ordni tajba, qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet inklużi fl-Anness I għall-possibbiltà li jagħmlu rikors lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat(i) Membru/i rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet essenzjali jew pagamenti speċifiċi f’konformità mal-Artikolu 2a ta’ dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25.

(2)  ĠU L 116, 4.5.2023, p. 10.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


Rettifika

4.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/25


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2023 li taħtar membru supplenti tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għad-Danimarka

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 109 tal-24 ta’ Marzu 2023 )

(2023/C 158/09)

Fil-paġna 71, l-Artikolu 1,

minflok:

“I.

RAPPREŻENTANTI TAL-GVERN”,

aqra:

“II.

RAPPREŻENTANTI TAT-TRADE UNIONS”.