|
ISSN 1977-0987 |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 66 |
|
Werrej |
Paġna |
|
|
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
|
RIŻOLUZZJONIJIET |
|
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
|
Il-576 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.2.2023–23.2.2023 |
|
|
2023/C 146/01 |
||
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
|
Il-576 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.2.2023–23.2.2023 |
|
|
2023/C 146/02 |
||
|
2023/C 146/03 |
|
|
III Atti preparatorji |
|
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
|
Il-576 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.2.2023–23.2.2023 |
|
|
2023/C 146/04 |
||
|
2023/C 146/05 |
||
|
2023/C 146/06 |
||
|
2023/C 146/07 |
||
|
2023/C 146/08 |
||
|
2023/C 146/09 |
||
|
2023/C 146/10 |
|
|
Rettifika |
|
|
2023/C 146/11 |
||
|
2023/C 146/12 |
|
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
RIŻOLUZZJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-576 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.2.2023–23.2.2023
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ukrajna: Sena wara l-invażjoni Russa — il-perspettiva tas-soċjetà ċivili Ewropea”
(2023/C 146/01)
|
Relaturi: |
Stefano MALLIA Oliver RÖPKE Séamus BOLAND |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
23.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
160/1/4 |
IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW (KESE),
Dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE
|
1. |
jirrimarka li l-Ukreni qed ikomplu jitilfu ħajjithom biex jiddefendu d-demokrazija u d-determinazzjoni tal-pajjiż li jsir Stat Membru tal-UE għandha tiġi rikonoxxuta b’mod tanġibbli u sinifikanti; |
|
2. |
jissottolinja li t-tkabbir huwa proċess ta’ benefiċċju reċiproku peress li jikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-UE, isaħħaħ il-pożizzjoni ġeopolitika tagħha, jippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha (1) u jġib benefiċċji għal kulħadd permezz ta’ suq uniku akbar, filwaqt li fl-istess ħin il-proċess ta’ tkabbir se jappoġġja lill-Ukrajna biex issaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; |
|
3. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun maqgħuda fir-rigward tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna u jissuġġerixxi li jiġi segwit l-eżempju ta’ pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Lvant li ssieħbu mal-UE bejn l-2004 u l-2013. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ gruppi ta’ ħidma dwar l-integrazzjoni tal-euro taħt l-awspiċi tal-ministeri rispettivi, fejn l-uffiċjali jingħataw taħriġ dwar l-armonizzazzjoni mal-istandards, in-normi, il-proċeduri u l-acquis tal-UE b’mod ġenerali; |
|
4. |
jinnota li filwaqt li l-proċess ta’ adeżjoni mal-UE jrid jiġi rispettat, huwa ċar li l-proċess ta’ adeżjoni mal-Ukrajna (bl-istess mod tal-pajjiżi kandidati kollha tal-Balkani tal-Punent u tas-Sħubija tal-Lvant) irid jitwettaq bl-aktar mod prattiku u abbażi tal-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE. |
Dwar tribunal internazzjonali speċjali dwar delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u sanzjonijiet kontra l-Federazzjoni Russa
|
5. |
jappoġġja bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tappella biex jiġi stabbilit tribunal internazzjonali speċjali għad-delitti ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna (2). Tribunal bħal dan għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u n-NU. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-UE biex tmexxi l-assistenza internazzjonali fl-investigazzjoni tad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju; |
|
6. |
jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “Ir-Rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala sponsor statali tat-terroriżmu” (3) u jilqa’, b’mod partikolari, il-klawżola li titlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw qafas legali tal-UE għad-deżinjazzjoni ta’ stati li jisponsorizzaw it-terroriżmu u stati li jużaw mezzi ta’ terroriżmu. L-implimentazzjoni ta’ qafas legali bħal dan tal-UE għandha tirriżulta f’miżuri ekonomiċi, politiċi, soċjali u kulturali restrittivi sinifikanti kontra dawn il-pajjiżi; |
|
7. |
jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta li l-Grupp Wagner jiġi inkluż fil-lista ta’ terroristi tal-UE; |
Dwar il-prevenzjoni tal-“għeja tal-Ukrajna”
|
8. |
jenfasizza li jekk l-Ukrajna titlef il-gwerra kontra r-Russja, dan ikun katastrofiku għad-demokrazija madwar id-dinja. L-UE trid tagħmel dak kollu li huwa possibbli biex tipprevjeni “l-għeja tal-Ukrajna”. L-UE stess hija proġett ta’ paċi u għandha l-obbligu morali li tappoġġja lill-Ukrajna għat-tul ta’ żmien meħtieġ u b’dak kollu li hemm bżonn, inklużi l-għajnuna umanitarja u l-infrastruttura; |
Dwar ir-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-Ukrajna
|
9. |
jirrimarka li l-UE diġà teħtieġ minn issa tfassal pjani u għodod meħtieġa għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Il-Pjattaforma b’Diversi Aġenziji għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi hija sinjal qawwi li l-komunità internazzjonali tappoġġja u ser tkompli tappoġġja lill-Ukrajna, iżda minbarra l-enfasi tagħha fuq l-assistenza fuq terminu qasir, jeħtieġ li tagħti l-istess attenzjoni lir-rikostruzzjoni fit-tul tal-Ukrajna; |
|
10. |
jissottolinja li l-pjani ta’ rikostruzzjoni u rkupru għas-soċjetà u t-territorju tal-Ukrajna għandhom jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-infurzar tal-liġi tax-xogħol, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti u d-dritt għal ambjent tax-xogħol sikur u san, kif ukoll opportunitajiet ta’ taħriġ għal kulħadd; |
|
11. |
jissottolinja li l-kompitu tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna ser ikun enormi u li minn issa jridu jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex l-Ukreni jkunu jistgħu jerġgħu lura għal ħajja normali malajr kemm jista’ jkun ladarba tintemm il-gwerra u jkunu jistgħu jibnu ekonomija kompetittiva li tħaddan it-tranżizzjoni ekoloġika, dik diġitali u dik ġusta u tiġġenera prosperità għall-Ukreni kollha. Barra minn hekk, dawn il-proċessi għandhom jinkludu appoġġ biex jinħolqu l-impjiegi li l-Ukrajna tilfet minħabba l-invażjoni tar-Russja; |
|
12. |
jappella sabiex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani ta’ rikostruzzjoni u rkupru. Involviment bħal dan ser jiggarantixxi t-trasparenza u l-ġustizzja u jiżgura li r-riżorsi jintużaw fejn huma l-aktar meħtieġa; |
|
13. |
ifakkar li l-għajnuna lin-negozji Ukreni, fid-diversità kollha tagħhom, biex jissopravivu fi żminijiet ta’ gwerra u biex jiġu appoġġjati fil-bini tal-bażi għal ekonomija b’saħħitha matul ir-rikostruzzjoni, hija fl-interess reċiproku tal-UE u tal-Ukrajna. Lil hinn mill-assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-Programm tas-Suq Uniku, hemm bżonn li l-Ukrajna tingħata aktar aċċess għal programmi ewlenin oħra tal-UE. Huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ kontinwi u mtejba għan-negozji fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-għarfien, il-loġistika u l-aċċess għal finanzjament dirett u indirett; |
|
14. |
jappella sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid id-djalogu soċjali fl-Ukrajna taħt il-liġi marzjali minkejja l-isfidi li jista’ jippreżenta. Id-djalogu soċjali huwa fil-qalba tal-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna u ser isir wieħed mill-istrumenti ewlenin fil-konsultazzjonijiet bejn il-gvern, l-impjegaturi u l-ħaddiema dwar kwistjonijiet relatati mal-bini mill-ġdid ekonomiku u soċjali tal-pajjiż; |
|
15. |
jilqa’ l-ftehimiet tripartitiċi pożittivi dwar ir-riformi tal-liġi tax-xogħol fl-Ukrajna u t-titjib mistenni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-ftehim kollettiv, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti esperti mill-Ukrajna, l-ILO u l-UE fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-garanziji soċjali u tax-xogħol; |
Dwar l-appoġġ lis-soċjetà ċivili u l-kuntatti interpersonali
|
16. |
ifaħħar is-solidarjetà murija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE u fl-Ukrajna, li taw l-ewwel għajnuna u offrew appoġġ lil dawk li ħarbu mill-gwerra; |
|
17. |
jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-UE li jagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili tal-Ukrajna billi jipprovdi finanzjament u jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħha fin-networks tas-soċjetà ċivili tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi pprovdut u kkoordinat appoġġ finanzjarju u amministrattiv lill-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna u lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ukreni oħra, inklużi networks umbrella bbażati fi Brussell u organizzazzjonijiet tad-dijaspora Ukreni; |
|
18. |
jappella sabiex fl-2024 jiġi estiż il-baġit taħt il-programm Erasmus+ għall-Ukrajna biex 1000 benefiċjarju addizzjonali mill-Ukrajna jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programm, u b’hekk jinbnew u jissaħħu l-pontijiet bejn l-UE u s-soċjetà ċivili Ukrena. Opportunitajiet ta’ traineeships u skambji bħal dawn fi ħdan il-KESE u istituzzjonijiet oħra tal-UE jissensibilizzaw liż-żgħażagħ Ukreni dwar il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-integrazzjoni tal-UE. |
Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(2) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2023 dwar l-istabbiliment ta’ tribunal għad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna (2022/3018(RSP)).
(3) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-Federazzjoni Russa bħala stat li jisponsorizza t-terroriżmu (2022/2896(RSP)).
OPINJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-576 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.2.2023–23.2.2023
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/4 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol: konsegwenzi għall-impjieg f’reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjonijiet tal-enerġija”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2023/C 146/02)
|
Relatur: |
María del Carmen BARRERA CHAMORRO |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.1.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
30.1.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
123/43/20 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jinnota li l-intensifikazzjoni tal-effetti negattivi tal-emerġenza klimatika, kif ukoll l-inċertezzi u l-kriżijiet li jirriżultaw mir-realtajiet ġeopolitiċi u tas-suq tal-enerġija l-ġodda, jirrikjedu li l-Unjoni Ewropea taċċellera b’mod drastiku t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ssaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa minn fornituri mhux affidabbli u fjuwils fossili volatili. Għalhekk jilqa’ l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea għal tali finijiet (eż. REPowerEU u l-finanzjament addizzjonali tiegħu permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza). |
|
1.2. |
Il-KESE josserva wkoll li r-riskji ambjentali (emerġenza klimatika) u tal-enerġija (dipendenza mill-enerġija fossili) jaffettwaw b’modi differenti l-attivitajiet ekonomiċi u l-miżuri ta’ politika relatati kollha, b’impatt għoli fuq ir-reġjuni, is-setturi ekonomiċi, il-ħaddiema u l-iżjed gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Għalhekk, fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lir-reġjuni tat-tranżizzjoni ġusta fejn hemm rabta aktar intensiva bejn l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u fejn ser jenħtieġu azzjonijiet ta’ politika speċifiċi. |
|
1.3. |
F’dan ir-rigward, l-aktar studji affidabbli juru li s-suċċess ta’ tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġenerali, u tal-enerġija b’mod partikolari, jista’ jżid il-PDG (xi studji jistmaw li din iż-żieda se tkun ta’ 5,6 % sal-2050), il-livelli ta’ impjieg (l-ILO u l-IRENA jistmaw li l-impjiegi maħluqa se jaqbżu b’erba’ darbiet l-impjiegi li se jintilfu) u l-kwalità tal-impjieg, minħabba l-kwalifiki ogħla meħtieġa. Il-fatt li l-enerġija ssir orħos billi jiżdiedu s-sorsi tal-enerġija disponibbli, speċjalment dawk rinnovabbli, identifikati u mħeġġa permezz ta’ tassonomija ekoloġika adegwata tal-UE, se jtejjeb l-aċċess għal dawn is-servizzi kif ukoll il-produzzjoni, u b’hekk jinħolqu aktar impjiegi. L-impjiegi maħluqa fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli huma ġeneralment aktar diffiċli biex jiġu rilokati, u dan se jkun ta’ benefiċċju għal ħafna reġjuni, speċjalment dawk f’riskju akbar ta’ depopolazzjoni. Għandhom jitqiesu wkoll l-effetti pożittivi fuq is-saħħa tal-ambjenti tax-xogħol. |
|
1.4. |
Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-effetti negattivi, ekonomiċi, okkupazzjonali u soċjali serji li t-tranżizzjoni tal-enerġija qed ikollha fuq terminu qasir u medju, aggravati mill-kriżi attwali tal-gwerra fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni ekonomika (inflazzjoni għolja). Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew affettwaw lill-iżjed unitajiet domestiċi vulnerabbli, kif ukoll lil ħafna kumpaniji madwar l-UE. Il-kontijiet għoljin tal-enerġija jżidu l-ispejjeż tal-kumpaniji u għandhom impatt fuq il-livelli tal-produzzjoni u tal-impjieg tagħhom, li qegħdin jisfaw imġiegħla jidħlu fi pjani ta’ ristrutturar. Dan juri li l-politika tal-enerġija u l-bidliet tagħha huma sostanzjali għall-aġġustament u l-bilanċ tal-atturi tas-suq tax-xogħol, l-impjegati kif ukoll min iħaddem. Għalhekk jenħtieġ li s-suq tal-enerġija jiġi stabbilizzat malajr ħafna u li l-futur tiegħu jiġi ġestit permezz tar-regoli l-ġodda li għandhom jintegraw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, ir-reżiljenza u l-kompetittività. |
|
1.5. |
Bil-għan li dawn l-effetti negattivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-kuntest attwali ta’ emerġenzi ġodda jiġu kkoreġuti jew jittaffew, il-KESE jipproponi li l-Istati Membri jqisu modi adegwati biex ikollhom integrazzjoni akbar tal-politiki tas-suq tax-xogħol fl-oqfsa regolatorji u fil-politiki ambjentali u tal-enerġija (inċentivi għal impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba bħala valur miżjud tat-tranżizzjoni tal-enerġija; fondi biex jinqasmu l-ispejjeż marbutin mal-proċessi ta’ ristrutturar, temporanju jew definittiv; programmi ta’ taħriġ professjonali mill-ġdid biex tittejjeb l-impjegabbiltà f’ekonomija dekarbonizzata, eċċ.), kif ukoll tal-politiki ta’ benesseri soċjali (garanziji ta’ aċċess għal kulħadd għas-servizzi ta’ enerġija, jingħata aċċess għal dħul sostituttiv u introjtu minimu adegwat, eċċ.). Din l-integrazzjoni, bħala parti mill-miżuri nazzjonali biex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandha dejjem tinkiseb permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija u d-diversità tas-sistemi differenti tar-relazzjonijiet industrijali ta’ kull Stat. |
|
1.6. |
Minħabba l-kumplessità kbira ta’ dawn l-isfidi, il-KESE jipproponi li tingħata prijorità lill-interkonnessjonijiet bejn il-kwistjonijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija, is-swieq tax-xogħol u l-iżvilupp reġjonali, bħala parti minn politika ta’ koeżjoni mġedda (ekonomika, soċjali u territorjali). Filwaqt li r-relazzjoni bejn il-politika tal-enerġija tal-UE u s-suq tax-xogħol f’kuntest reġjonali hija rilevanti għar-reġjuni kollha tal-UE, jista’ jinstab każ speċifiku fir-Reġjuni ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li għandhom sfond b’saħħtu ta’ enerġija konvenzjonali b’impatt fuq il-konnessjoni tal-industriji. Għal dan l-għan, għandhom jitqiesu indikaturi utli, bħal dak relatat mal-potenzjal ta’ impjieg tad-dekarbonizzazzjoni. Jekk nixtiequ li l-objettivi tal-politika dwar il-klima u tat-tranżizzjoni tal-enerġija jintlaħqu b’mod effettiv, il-KESE jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jeħtieġ li jintuża b’mod aktar effettiv, u jeħtieġ li jitqies ritmu kompatibbli mas-sitwazzjoni tal-intrapriżi żgħar u kbar. F’dawn il-kundizzjonijiet jeħtieġ li jitwettqu azzjonijiet komplementari ulterjuri fil-livell reġjonali, biex jiġu ppreservati kemm jista’ jkun l-impjiegi u biex jiġi żgurat li l-impjiegi l-ġodda jkunu ta’ kwalità tajba, dejjem bl-involviment reali u/jew effettiv tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, kif ukoll tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali. Il-Kummissjoni għandha tippromovi din id-dimensjoni soċjali akbar. Kwalunkwe miżura jew politika meqjusa trid dejjem tiġi fformulata b’mod li jirrispetta l-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali kif ukoll ir-rwoli, il-kompetenzi u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali. |
|
1.7. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament, lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE biex jinvolvu lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili b’mod aktar innovattiv u effettiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tranżizzjoni tal-enerġija b’valur miżjud għoli f’termini ta’ impjieg u protezzjoni soċjali, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom. L-iżbilanċi territorjali f’dan il-qasam ħarġu biċ-ċar fl-istudji tal-każijiet rilevanti, u għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, permezz tad-djalogu soċjali u l-involviment tal-ekonomija soċjali, huma mitluba jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw żvilupp territorjali u soċjoekonomiku aktar ibbilanċjat. Pereżempju, jistgħu jiġu promossi proċessi ta’ konsultazzjoni u, fejn meħtieġ, ta’ patti soċjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekonomika, tax-xogħol u tal-enerġija soċjalment ġusta. |
|
1.8. |
Il-KESE jaċċetta l-ħtieġa li jissaħħu l-politiki ta’ investiment, kemm pubbliċi kif ukoll privati, kif ukoll il-politiki ta’ kumpens soċjali, fil-kriżi ġeopolitika attwali, minħabba l-effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-kumpaniji l-kbar tal-UE u l-SMEs, kif ukoll fuq l-iżjed unitajiet domestiċi vulnerabbli. Fost mekkaniżmi oħra, huwa mħeġġeġ l-użu tal-pjan REPowerEU, fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, bil-għan li jistabbilizza l-kundizzjonijiet tas-suq u jiżgura provvista universali għaċ-ċittadini Ewropej. Din il-ħtieġa u l-urġenza jeħtieġ li jiġu indirizzati b’aktar miżuri ta’ investiment ekonomiku u soċjali (pereżempju, għajnuna sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż kbar tan-negozji, il-garanzija ta’ riżorsi sabiex jiġi evitat il-faqar enerġetiku, eċċ.), iżda mingħajr ma jitnaqqsu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni meħuda, minħabba li aktar tnaqqis fir-ritmu jkollu aktar effetti negattivi mill-aċċellerazzjoni tagħhom fuq terminu medju u twil. |
|
1.9. |
Il-KESE jqis li kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħaq l-objettiv tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz ta’ kundizzjonijiet eżiġenti għall-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi tal-enerġija (pereżempju, permezz tal-prevenzjoni tal-faqar enerġetiku). Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-akbar diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jitlob li jittejbu l-programmi għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li jitħaffu u li jiġu ssemplifikati, b’servizzi ta’ appoġġ u akkumpanjament kontinwu. |
|
1.10. |
Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-prosumaturi (konsumaturi passivi tal-enerġija li jsiru ċittadini attivi bħala produtturi tal-enerġija rinnovabbli) u taċ-ċittadini (komunitajiet tal-enerġija) biex jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Ewropa. |
|
1.11. |
Il-KESE jqis li l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn konvenzjonijiet adegwati jew ftehimiet għal konsultazzjoni soċjali ġusta. Permezz tagħhom, il-ħolqien, iż-żamma tal-impjieg sostenibbli ta’ kwalità tajba u l-appoġġ tan-nies huma kundizzjonijiet meħtieġa fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri previsti, inklużi l-fondi riċevuti sabiex tiġi promossa t-tranżizzjoni tal-enerġija. |
|
1.12. |
Madankollu, l-esperjenza attwali dwar id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell makro ta’ politika mhijiex pożittiva. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki relatati mat-tranżizzjoni doppja (diġitali u ekoloġika) jitqies bħala insuffiċjenti. |
2. Sfond u elementi ewlenin
|
2.1. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-UE hija emittent globali ewlieni li daħlet għal impenn vinkolanti li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, impenn li ġġedded fil-COP27 (7-8 ta’ Novembru 2022), minkejja d-dubji ta’ emittenti globali ewlenin oħra. Jenfasizza, madankollu, li l-effettività tal-miżuri meħuda għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u s-sistema tal-enerġija tal-UE, fis-snin li ġejjin se tiddependi mhux biss mit-tilħiq ta’ dan l-objettiv ambjentali, iżda wkoll minn jekk it-trasformazzjoni hijiex ġusta għal kulħadd, li tgħin fil-promozzjoni ta’ soċjetà sostenibbli u prospera b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, kompetittiva u b’livell għoli ta’ impjieg ta’ kwalità tajba. |
|
2.2. |
Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu dwar Viżjoni strateġika dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija li tippermetti l-awtonomija strateġika tal-UE (1), jirrikonoxxi l-opportunitajiet għall-prosperità tal-proċess tad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija. Iżda jwissi wkoll dwar ir-riskji soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-kriżi attwali tal-enerġija. Il-problemi attwali, li joħolqu pressjoni addizzjonali u jagħmluha diffiċli li jintlaħqu l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni meħuda (il-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi tal-inflazzjoni, eċċ.), huma aggravati minn problemi strutturali, bħat-tibdil fil-klima, li l-effetti negattivi tagħhom fuq l-UE u r-reġjuni tagħha qed isiru dejjem aktar viżibbli. |
|
2.3. |
Il-KESE huwa konxju li l-prezzijiet għoljin tal-gass u tal-elettriku qed ikollhom impatti serji fuq in-negozji kollha kif ukoll fuq l-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli. L-ispirali ta’ inflazzjoni qed twassal għall-għeluq tal-impjanti industrijali (eż. Slovalco fis-Slovakkja), u qed tagħmel ukoll ħsara lill-kompetittività ta’ ħafna kumpaniji. |
|
2.4. |
Il-KESE jieħu nota wkoll tar-rapporti tal-Eurofound (2), li skonthom il-faqar enerġetiku żdied. Minkejja li l-Istati Membri żiedu b’mod sinifikanti l-isforzi biex jintroduċu miżuri soċjali biex itaffu l-effetti soċjoekonomiċi ta’ kriżijiet u emerġenzi ġodda, dawn mhumiex biżżejjed, u b’hekk qed jintwera kemm huwa importanti li jissaħħu l-objettivi soċjali, kif enfasizzat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pakketti ta’ politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jeħtieġ li jqisu d-distribuzzjoni tal-impatti soċjali u kif jistgħu jagħmluhom aktar ġusti fil-każijiet fejn ikunu inevitabbli (Exploring the social challenges of low carbon energy policies in Europe, Nesploraw l-isfidi soċjali tal-politiki tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa, Ottubru 2021 (3)). |
|
2.5. |
F’dan il-kuntest ta’ emerġenzi ġodda, il-KESE jitlob li jiġu estiżi u intensifikati — mingħajr ma jiġu ddubitati — il-miżuri mmirati tal-UE u fil-livell nazzjonali biex jikkumpensaw għall-iżjed impatti ekonomiċi u soċjali u fuq l-impjieg li huma dannużi fil-proċess biex jintlaħqu miri klimatiċi ambizzjużi. Jemmen ukoll li dawn għandhom jitfasslu fi ħdan il-politiki ta’ koeżjoni. Din l-enfasi fuq il-politika ta’ koeżjoni fil-qafas tal-politiki tal-UE dwar il-klima diġà ngħatat attenzjoni speċifika mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu (ECO/579 (4)), sabiex jiġu enfasizzati miżuri li jiffaċilitaw il-kapaċità tal-kumpaniji li jadattaw għar-rekwiżiti tat-tranżizzjoni tal-enerġija, inkluż ir-ristrutturar konsegwenzjali, u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ faqar enerġetiku. |
|
2.6. |
B’mod aktar strutturali, il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” għar-reviżjoni u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni tal-UE u t-tnedija ta’ inizjattivi ġodda biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jkunu konformi mal-miri klimatiċi maqbula mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, kif imwiegħed mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u b’mod vinkolanti, ġie integratt fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-klima. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-politiki għall-ġlieda kontra l-emerġenza klimatika jistgħu jwasslu għal bidliet kbar fl-ekonomija u jiġġeneraw, fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u fit-tul, disturbi soċjali, li jaffettwaw l-impjieg u l-benesseri, speċjalment f’ċerti reġjuni. Barra minn hekk, kif ma jista’ jkun hemm l-ebda progress soċjali mingħajr prestazzjoni ekonomika robusta, ma jista’ jkun hemm l-ebda tkabbir ekonomiku sostenibbli mingħajr ma tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika u tal-enerġija, soċjali u industrijalment ġusta. |
|
2.7. |
L-impatti fuq is-swieq tax-xogħol se jkunu aktar drastiċi f’ċerti setturi u reġjuni u industriji intensivi fil-karbonju jistgħu jagħlqu. Il-ħtieġa li jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tkun akkumpanjata minn “mekkaniżmu għal tranżizzjoni ġusta”. Peress li l-effetti pożittivi ta’ din it-tranżizzjoni mhux ser ikunu awtomatiċi, il-KESE huwa konvint li sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess huwa essenzjali li jitfasslu u jiġu implimentati politiki ta’ investiment inklużivi (li jippromovu impjiegi deċenti sostenibbli) u li jinvolvu lis-soċjetà, billi jingħata leħen lill-persuni impjegati u r-rappreżentanzi tagħhom fil-livelli makro (UE u nazzjonali), meso (settorjali) u mikro (intrapriżi, unitajiet lokali). |
|
2.8. |
F’dawn ix-xenarji inċerti u li qed jinbidlu, il-KESE jqis li l-oqfsa tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Patt Ekoloġiku huma adatti, iżda mhumiex biżżejjed biex jimplimentaw politiki dwar il-klima u l-enerġija li jiżguraw il-koeżjoni soċjali u reġjonali permezz ta’ investimenti intensivi fl-innovazzjoni teknoloġika, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba u sostenibbli, it-tisħiħ tal-kapital uman u l-ħolqien ta’ kapital soċjali reġjonali. Il-KESE jħeġġeġ li jiġu segwiti prattiki tajba għal dan l-għan (5). Ifakkar li jeżistu strateġiji, bħal proġetti għall-bini ta’ parks solari f’żoni li qabel kienu jintużaw għall-estrazzjoni tal-linjite fil-Portugall u l-Greċja, jew l-appoġġ strateġiku ferm lill-prosumaturi fil-Litwanja. Il-KESE jinnota li dawn l-esperjenzi għadhom ma jikkostitwixxux prattika mifruxa jew dominanti. |
|
2.9. |
Skont rapport imħejji fuq talba tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew, l-ispiża ta’ nuqqas ta’ ambizzjoni f’dawn il-politiki ta’ trasformazzjoni tal-enerġija Ewropej ġusta hija stmata li se tilħaq 5,6 % tal-PDG tal-UE fl-2050. Il-KESE jaqbel mal-fehma li biex din l-ispiża tiġi evitata, se jkun hemm bżonn li jiġi żgurat l-eżitu ta’ tranżizzjoni ġusta, inkluż f’termini ta’ impjieg. Ir-rapport jirrakkomanda u jikkwantifika diversi azzjonijiet tal-UE għal dan l-għan (6):
|
|
2.10. |
Il-KESE jemmen li mhux biss il-kumpaniji l-kbar, iżda wkoll l-SMEs, huma parti essenzjali mis-soluzzjoni għal ekonomija kompetittiva, newtrali għall-klima, ċirkolari u inklużiva fl-UE. Għandhom jinħolqu u jinżammu l-kundizzjonijiet adatti ta’ finanzjament u appoġġ. Il-finanzjament għandu jsir aktar aċċessibbli għall-SMEs, permezz ta’ proċeduri amministrattivi semplifikati u adattati. Il-ħolqien ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs se jiffaċilita l-aċċess effettiv għal dawn il-miżuri u se jippromovi l-ħolqien ta’ ekosistemi tan-negozju sostenibbli fir-reġjuni kollha tal-UE (NUTS I, II u III), u mhux biss f’dawk li bħalissa huma kkwalifikati bħala reġjuni ta’ tranżizzjoni ġusta (madwar mitt reġjun NUTS III u 31 reġjun NUTS II) (7). |
|
2.11. |
Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u Fond Soċjali għall-Klima (8). Madankollu, huwa konvint li dawn il-fondi mhux se jipprovdu l-appoġġ finanzjarju kollu meħtieġ biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi u l-impatt fuq l-impjieg b’mod soċjalment responsabbli. Il-KESE jenfasizza li tranżizzjoni tal-enerġija ġusta ma tikkonċernax biss il-finanzjament, iżda tinkludi wkoll l-objettiv li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba, tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika (inkluż fil-livell tan-negozji), b’rispett lejn l-awtonomija u d-diversità tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali, u tinżamm u tiżdied aktar il-kompetittività tan-negozji Ewropej. Il-KESE jappella għal miżuri speċifiċi fil-livelli kollha, inkluż fil-funzjonament tas-Semestru Ewropew, biex jiżdied l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-imsieħba soċjali. Iqis ukoll li huwa meħtieġ li jiġu rikjesti mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-użu kif imiss tal-fondi għat-tranżizzjoni ġusta tal-enerġija, permezz ta’ verifika tal-konformità mal-objettivi soċjali u okkupazzjonali tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn dan il-finanzjament pubbliku. |
|
2.12. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif ukoll fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, issaħħaħ il-miri soċjali u tal-impjieg, pereżempju:
Il-KESE jqis li huwa essenzjali, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjani territorjali għall-impjieg u l-ħiliet għall-futur, bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. |
3. Il-kuntest u l-kontribut ewlieni mill-evidenza xjentifika internazzjonali dwar l-effetti fuq l-impjieg ta’ tranżizzjoni tal-enerġija ġusta
|
3.1. |
Il-KESE jinnota li s-sostituzzjoni tal-impjanti tal-enerġija tal-fjuwils fossili konvenzjonali b’sorsi rinnovabbli tista’ taffettwa l-impjieg b’modi differenti. Tista’ toħloq impjiegi ekoloġiċi ġodda fis-settur tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll tittrasferixxi l-impjiegi lejn setturi oħrajn. Jeħtieġ li titqies iż-żieda potenzjali fil-prezzijiet tal-enerġija, li tista’ toħnoq id-domanda għall-ħaddiema f’setturi intensivi fl-enerġija u tnaqqas il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi privati. L-evidenza tikkonferma li l-politika tal-enerġija lejn sorsi rinnovabbli toħloq, teqred jew tittrasforma l-impjiegi fil-pajjiżi industrijali. |
|
3.2. |
Il-KESE jinnota li ma hemm l-ebda kunsens xjentifiku sħiħ dwar is-sitwazzjoni finali tat-tranżizzjoni tal-enerġija f’termini ta’ impjieg. L-istudji jiżvelaw każijiet fejn ma kien hemm l-ebda tkabbir nett fl-impjieg (fil-Polonja) jew kien tkabbir limitat ħafna (fil-Ġermanja). Madankollu, l-ILO tistma li d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija se twassal għal telf ta’ madwar 6 miljun impjieg, minkejja li l-impjiegi maħluqa se jiżdiedu b’erba’ darbiet, minn 11-il miljun għal 43 miljun fl-2030 għall-pajjiżi tal-IRENA (9). Fix-xenarji kollha tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-użu ta’ enerġija nadifa se jikber, u jikkumpensa għat-telf ta’ impjiegi fis-setturi tal-fjuwils fossili. Fix-xenarju ta’ emissjonijiet netti żero sal-2050, 16-il miljun ħaddiem se jibdlu xogħolhom għal rwoli ġodda relatati mal-enerġija nadifa. Ir-rapport USEER (U.S. Energy and Employment Report) tal-2022 (10) għandu stimi simili: l-impjiegi fl-enerġija kibru b’4 % minħabba l-enerġija nadifa (meta mqabbla ma’ 2,8 % biss ta’ tkabbir fl-impjieg b’mod ġenerali). |
|
3.3. |
Il-KESE jinnota għadd ta’ żbilanċi. L-impjiegi ġodda fil-qasam tal-enerġija nadifa mhux dejjem ikunu fl-istess post tal-impjiegi li jissostitwixxu u jirrikjedu ħiliet ġodda. Għalhekk, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-politiki tal-enerġija tagħhom għandhom jiffukaw biex jiżguraw il-bini tal-kapaċitajiet bil-għan li t-tranżizzjoni tirnexxi u tkun tal-akbar benefiċċju possibbli għall-maġġoranza. Barra minn hekk, fl-industrija tal-enerġija rinnovabbli, il-proporzjon tan-nisa fil-forza tax-xogħol (32 %) huwa ogħla minn dak f’partijiet oħra tas-settur tal-enerġija, għalkemm huwa biss 21 % fis-settur tar-riħ, li juri li dan il-qasam għadu qed jikkontribwixxi għall-istereotipi marbuta mal-ġeneru. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-politiki ta’ implimentazzjoni tagħha għandhom jenfasizzaw l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’dawn l-impjiegi ġodda. |
|
3.4. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li t-tranżizzjoni tal-enerġija mhijiex biss kwistjoni ta’ teknoloġija u investiment pubbliku u privat, iżda hija sfida soċjali globali profonda. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-utenti u tas-soċjetà tax-xogħol tal-produtturi (in-negozji u l-ħaddiema, direttament u permezz tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom) għandha tiġi garantita u promossa. Il-klima għanda titqies f’kull tip ta’ politika u deċiżjoni. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li dawn għandhom jitfasslu permezz ta’ proċessi u, jekk meħtieġ, ftehimiet ta’ konsultazzjoni soċjali bejn l-awtoritajiet, fil-livelli kollha, l-imsieħba soċjali, li dejjem jirrispettaw l-awtonomija u d-diversità tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali tal-istat, kif ukoll organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija inklużiva għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali. |
|
3.5. |
Il-KESE jinnota li, wara rieżami tal-letteratura xjentifika u l-esperjenza tal-każijiet, uħud minnhom ta’ suċċess u oħrajn li ma rnexxewx, ma hemm l-ebda perkors uniku ta’ trasformazzjoni predeterminat u li l-mod kif it-tranżizzjonijiet tal-enerġija jaffettwaw l-impjieg u l-postijiet tax-xogħol jiddependi mill-kundizzjonijiet soċjali li taħthom jiġu introdotti t-teknoloġiji u jseħħu bidliet fit-tranżizzjoni tal-enerġija. L-evidenza minn studji tal-każ fil-livell tal-kumpanija (eż. Renault, Siemens Energy (11)) turi li, fejn kienu involuti l-impjegati, l-adozzjoni tal-bidliet wasslet għal eżiti pożittivi (iżjed taħriġ vokazzjonali, aktar produttività u aktar kwalità tal-prodotti). |
|
3.6. |
Madankollu, il-konklużjonijiet dwar id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell makro ta’ politika mhumiex pożittivi. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politiki relatati mat-tranżizzjoni doppja (diġitali u ekoloġika) jitqies bħala insuffiċjenti. Abbażi tal-esperjenza ta’ ċerti pajjiżi, dan in-nuqqas jista’ jirriżulta minn żewġ sfidi bażiċi li jiffaċċjaw l-imsieħba soċjali:
|
4. Kummenti ġenerali
|
4.1. |
Il-KESE jieħu nota tal-analiżi li turi li kemm l-istrumenti ta’ politika kif ukoll dawk legali tal-UE jistgħu jkunu importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn perspettiva ekonomika, soċjali u tax-xogħol ġusta. Madankollu, huwa jqis ukoll li l-istrumenti eżistenti (pereżempju, id-Direttiva dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej jew id-Direttiva dwar qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati) li huma implimentati fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv. Il-KESE jappella li, fid-diversi livelli adatti, jiġu mħeġġa u adottati l-aktar riformi adegwati mmirati lejn it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, kif ukoll li jkun hemm in-negozjar kollettiv f’dawn il-proċessi ta’ tranżizzjoni ġusta tal-enerġija, sabiex jiġu promossi bilanċi pożittivi f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u l-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li tinżamm nisġa ekonomika u kummerċjali adegwata fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, dejjem bir-rispett dovut għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali. |
|
4.2. |
L-esperjenza turi wkoll li l-bidliet ekonomiċi u strutturali tal-impjieg li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet tal-enerġija kultant jirnexxu u kultant ifallu f’termini ta’ tranżizzjoni soċjali u okkupazzjonali ġusta, skont jekk jitqiesx li l-volum tal-impjieg jinżamm b’mod sostanzjali billi l-impjieg jiġi trasferit minn impjiegi li mhumiex wisq sostenibbli minħabba l-marka tal-karbonju tagħhom għal impjiegi sostenibbli oħra. L-interazzjoni bejn il-politiki tal-enerġija u tal-impjieg tħalli marka wkoll fuq l-ambjent jew il-kuntest reġjonali f’sens usa’, billi toħloq opportunitajiet u riskji (pereżempju, tariffi garantiti; żieda fil-prezzijiet tal-enerġija li tpoġġi f’riskju l-impjiegi industrijali, bħal fil-Ġermanja u Spanja). Il-KESE jinnota li, skont l-esperjenzi reġjonali, bħal fiż-żona tal-minjieri tat-Tramuntana ta’ Spanja, l-impjiegi ġodda maħluqa mit-tranżizzjoni tal-enerġija huma ferm inqas u għandhom pagi aktar baxxi minn dawk preċedenti. |
|
4.3. |
Minn valutazzjoni aktar globali, il-KESE jinnota li, skont l-aktar studji affidabbli, madwar 45 % tal-ħaddiema fis-settur tal-enerġija fid-dinja huma f’impjiegi b’ħiliet għolja, meta mqabbla ma’ kważi 25 % tal-ekonomija b’mod ġenerali. Madankollu, ma hemmx din l-għażla kullimkien, u l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta u ffukata fuq in-nies għall-ħaddiema kkonċernati jeħtieġ li tissaħħaħ biex jiġi evitat li d-dekarbonizzazzjoni twassal għal qgħad nett, bħal fil-każ tal-Polonja. |
|
4.4. |
Il-KESE huwa konvint li, f’konformità mar-rapporti tal-IRENA u tal-ILO (12), il-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli biex jiġġeneraw xogħol deċenti sostenibbli huwa indikazzjoni ċara li ma hemmx għaliex wieħed jagħżel bejn is-sostenibbiltà ambjentali u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tnejn li huma jistgħu u għandhom jimxu id f’id, billi joħolqu l-kundizzjonijiet legali, politiċi u finanzjarji adatti, billi titpoġġa r-responsabbiltà dovuta fuq il-kumpaniji kollha li jirċievu fondi u jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet interessati kollha (territorji, imsieħba soċjali u ċittadini) fil-governanza tagħhom. |
5. Kummenti speċifiċi
|
5.1. |
Il-KESE jinnota li l-industrija tal-enerġija se jkollha pożizzjoni dejjem aktar strateġika fl-ekonomija, peress li hija xprun ewlieni għas-setturi kollha. Madankollu, fix-xenarji attwali ta’ kriżi u tibdil, din tinvolvi żbilanċi u riskji differenti, li jeħtieġ li jiġu kkoreġuti permezz ta’ investimenti adatti, politiki koerenti u strutturi ta’ governanza ġodda, sabiex jiġi żgurat l-involviment tal-ekonomija territorjali, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn arranġamenti jew ftehimiet għal konsultazzjoni soċjali ġusta li fihom il-ħolqien u ż-żamma ta’ impjieg sostenibbli u ta’ kwalità tajba u l-appoġġ tan-nies huma kundizzjonijiet meħtieġa fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri previsti. |
|
5.2. |
Il-KESE jfakkar li waħda mis-sistemi ewlenin ta’ governanza għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress ta’ tranżizzjonijiet soċjalment ġusti hija s-Semestru Ewropew. Il-KESE diġà ddikjara li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, hija pass fid-direzzjoni t-tajba (13). Iqis, madankollu, li għandha ssir enfasi akbar fuq l-interazzjoni bejn il-politiki ambjentali u tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li, fl-aħħar mill-aħħar, jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba, kif ukoll li jsir minn kollox biex jiġi ggarantit introjtu suffiċjenti għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor. Għandhom jissaħħu r-rwol tar-reġjuni u l-kapital soċjali tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-aġenda tal-kapital uman. |
|
5.3. |
Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jiġi implimentat l-acquis rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali. B’mod simili għal dak li diġà ddikjara l-KESE, billi ddikjaraw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-Pilastru Soċjali/EPSR), fis-Summit ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jaħdmu lejn Ewropa aktar ġusta u ugwali. Il-Pilastru għandu jservi bħala boxxla għal konverġenza ’l fuq imġedda lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien imtejba u sabiex jiggwida riformi fi swieq tax-xogħol u politiki soċjali (14). |
|
5.4. |
Il-KESE jinnota li hemm differenzi sinifikanti fil-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Fil-fatt, f’leġiżlazzjonijiet bħal dik Franċiża ġiet enfasizzata din id-dimensjoni ta’ impatt fuq l-intrapriżi u tar-rappreżentazzjoni tax-xogħol fl-interazzjoni bejn it-tranżizzjoni ekoloġika u l-kwistjonijiet soċjali u okkupazzjonali; min-naħa l-oħra, f’leġiżlazzjonijiet oħrajn, bħal dik Taljana jew Spanjola, jew dawk tar-reġjuni kollha tat-tranżizzjoni ġusta fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, bilkemm issir referenza għal dawn l-obbligi u drittijiet. Pereżempju, il-KESE jieħu nota tal-esperjenza Franċiża ta’ suċċess (il-Liġi Nru 2021-1104), li bis-saħħa tagħha, il-kunċett ta’ “sfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika” ġie inkluż fil-Kodiċi tax-Xogħol, billi ġew previsti kompetenzi għall-ftehimiet settorjali, sistemi għall-ġestjoni antiċipattiva tal-impjiegi u l-ħiliet biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-enerġija (Artikolu L 2242-20), kif ukoll id-dritt tat-trade unions li joħorġu twissijiet ambjentali u tas-saħħa pubblika (L 4133-L 4133-4). Għalhekk, huwa u jirrispetta b’mod strett l-awtonomija u d-diversità tad-diversi sistemi Ewropej tar-relazzjonijiet industrijali, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi inizjattivi għall-iskambju ta’ prattiki tajba bejn il-pajjiżi u r-reġjuni differenti. |
|
5.5. |
Il-KESE jinsisti li l-prekundizzjoni ewlenija għal tranżizzjoni b’suċċess tinsab f’approċċ proattiv u inklużiv li jiżgura u jippromovi politiki tax-xogħol u tal-benesseri speċifiċi. Karatteristika importanti tal-politiki ta’ suċċess għandha tkun li dawn ikunu mmirati tajjeb lejn il-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol, speċjalment iżda mhux biss fir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn enerġiji rinnovabbli bbażati fuq il-fjuwils fossili jew billi jisfruttaw l-opportunitajiet offruti minn reġjuni rikki f’dawn ir-riżorsi. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, għalkemm utli, għandu l-limiti tiegħu, li għandhom jiġu korreġuti, u mhuwiex tweġiba komprensiva għall-isfidi ta’ tranżizzjoni ġusta, iżda jista’ jiġi appoġġjat minn miżuri ta’ politika addizzjonali fil-livell tal-Istati Membri. |
|
5.6. |
Bil-għan li tittejjeb ir-relazzjoni bejn il-politiki ambjentali u t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-politiki tas-suq tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali, il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-indikaturi tal-impjieg sostenibbli disponibbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta previst. Għandu jitqies l-indikatur ta’ potenzjal ta’ impjieg tad-dekarbonizzazzjoni fir-reġjuni NUTS differenti. Bil-għan li tinkiseb data dwar l-impatt tal-kriżi tal-enerġija l-ġdida fuq l-impjieg, l-Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar fi ħdan il-Eurofound (15) huwa bażi tad-data li toffri għadd kbir ta’ esperjenzi rreġistrati. |
|
5.7. |
Il-KESE jappella wkoll biex tiġi aċċellerata u tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (16). Il-KESE jqis b’mod pożittiv il-mobilizzazzjoni ta’ EUR 55 biljun minn issa sal-2027 fir-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni tal-enerġija, bil-għan li jintlaħaq l-objettiv li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, biex jiġu kkumpensati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali fil-klima permezz ta’ tliet pilastri: Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta ġdid (aktar minn EUR 25 biljun f’investiment), is-sistema ta’ tranżizzjoni ġusta ta’ InvestEU (EUR 15-il biljun għas-settur privat) u l-istrument ta’ self ġdid għas-settur pubbliku (se jimmobbilizza EUR 18,5-il biljun f’investiment pubbliku). |
|
5.8. |
Il-KESE jqis ukoll li huwa tajjeb, meta jiġu fformalizzati l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni tal-enerġija, li jiġu promossi mhux biss ftehimiet ta’ tranżizzjoni (konsultazzjoni soċjali reġjonali), iżda wkoll prattiki tajbin fin-negozjar kollettiv u l-involviment tal-ħaddiema fit-tranżizzjoni tal-enerġija soċjalment ġusta. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu li bidla lejn sorsi ta’ enerġija iżjed rinnovabbli ttejjeb il-kwalità ambjentali billi tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja, li huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa u l-produttività tax-xogħol. |
|
5.9. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-dimensjoni ekoloġika tal-Ewropa u t-tranżizzjoni tal-enerġija joħolqu sinerġiji pożittivi mat-tranżizzjoni inklużiva, sabiex jikkontribwixxu għas-suċċess tan-negozji, iżidu l-opportunitajiet ta’ impjieg sostenibbli u ta’ kwalità tajba għall-ħaddiema u l-benesseri taċ-ċittadini kollha f’ekosistema li tirrispetta s-saħħa tal-pjaneta. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 75, 28.2.2023, p. 102.
(2) https://www.eurofound.europa.eu/publications/customised-report/2022/the-cost-of-living-crisis-and-energy-poverty-in-the-eu-social-impact-and-policy-responses-background
(3) https://www.eea.europa.eu/publications/exploring-the-social-challenges-of
(4) ĠU C 323, 26.8.2022, p. 54.
(5) Ara ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30 u ĠU C 62, 15.2.2019, p. 269.
(6) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/694222/EPRS_STU(2021)694222_EN.pdf
(7) https://ec.europa.eu/eurostat/web/nuts/background
(8) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 158.
(9) https://irena.org/-/media/Files/IRENA/Agency/Publication/2019/Jan/IRENA_Gender_perspective_2019.pdf
(10) https://www.energy.gov/policy/us-energy-employment-jobs-report-useer
(11) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2022/733972/IPOL_STU(2022)733972_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(12) https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_823807.pdf
(13) Opinjoni tal-KESE dwar L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 35).
(14) Opinjoni tal-KESE dwar Pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 159).
(15) https://www.eurofound.europa.eu/observatories/emcc/european-restructuring-monitor
(16) https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal/finance-and-green-deal/just-transition-mechanism_mt
ANNESS
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 74(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
EMENDA 1
SOC/718 — Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol
Punt 2.12
Ibdel it-test kif ġej:
|
Opinjoni tas-Sezzjoni |
Emenda |
||||
|
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif ukoll fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, issaħħaħ il-miri soċjali u tal-impjieg, bħal: |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, kif ukoll fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, tħeġġeġ it-tisħiħ tal-enfasi fuq il-miri u l-politiki soċjali u tal-impjieg, bħal: |
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
Il-KESE jqis li huwa essenzjali, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjani territorjali għall-impjieg u l-ħiliet għall-futur, bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjani territorjali għall-impjieg u l-ħiliet għall-futur, bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali. Dawn il-pjani għandhom iqisu wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pass tat-tranżizzjoni fuq il-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs. |
Raġuni
L-emenda tipproponi li jiġi ċċarat il-kliem tat-test fir-rigward tat-tisħiħ tal-enfasi fuq l-għanijiet/il-miri soċjali u tal-impjieg u li jiġi ċċarat li l-pagamenti mill-fondi (fejn mitluba mir-regoli nazzjonali) waħedhom mhumiex biżżejjed biex tissolva l-kwistjoni tat-telf tal-impjiegi: hemm bżonn ħafna iktar minn hekk (politiki, miżuri amministrattivi, eċċ.) biex il-persuni qiegħda jiġu appoġġjati u integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
Fl-aħħar, kif enfasizzat ukoll fil-punt 1.6 tal-abbozz ta' opinjoni, huwa importanti li jitqies pass kompatibbli mas-sitwazzjoni tal-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
73 |
|
Kontra: |
78 |
|
Astensjonijiet: |
8 |
EMENDA 2
SOC/718 — Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol
Punt 5.2
Ibdel it-test kif ġej:
|
Opinjoni tas-Sezzjoni |
Emenda |
|
Il-KESE jfakkar li waħda mis-sistemi ewlenin ta’ governanza għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress ta’ tranżizzjonijiet soċjalment ġusti hija s-Semestru Ewropew. Il-KESE diġà ddikjara li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, hija pass fid-direzzjoni t-tajba (1). Iqis, madankollu, li għandha ssir enfasi akbar fuq l-interazzjoni bejn il-politiki ambjentali u tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li, fl-aħħar mill-aħħar, jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba, kif ukoll li jsir minn kollox biex jiġi ggarantit introjtu suffiċjenti għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor. Għandhom jissaħħu r-rwol tar-reġjuni u l-kapital soċjali tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-aġenda tal-kapital uman. |
Il-KESE jfakkar li waħda mis-sistemi ewlenin ta’ governanza għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress ta’ tranżizzjonijiet soċjalment ġusti hija s-Semestru Ewropew. Il-KESE diġà ddikjara li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, flimkien mal-monitoraġġ tiegħu permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, hija pass fid-direzzjoni t-tajba (1). Iqis, madankollu, li għandha ssir enfasi akbar fuq l-interazzjoni bejn il-politiki ambjentali u tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li, fl-aħħar mill-aħħar, jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba . Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri, f’konformità mar-regoli nazzjonali tagħhom, jipprovdu aċċess sigur għall-benefiċċji tal-qgħad jew introjtu minimu adegwat għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor. Għandhom jissaħħu r-rwol tar-reġjuni u l-kapital soċjali tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-aġenda tal-kapital uman. |
Raġuni
Peress li t-test jirreferi għal “dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom u li ma jistgħux isibu impjieg ieħor”, jidher loġiku li l-kelma “introjtu” tirreferi għal “introjtu minimu”. F’dan il-każ, it-terminoloġija użata għandha tirrifletti l-formulazzjoni użata fil-punt 1.5 tal-abbozz ta’ opinjoni, jiġifieri “jingħata aċċess għal (…) introjtu minimu adegwat”. Barra minn hekk, tista’ ssir referenza għas-sistemi tal-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
79 |
|
Kontra: |
98 |
|
Astensjonijiet: |
8 |
EMENDA 3
SOC/718 — Politika dwar l-enerġija u s-suq tax-xogħol
Punt 1.9
Ibdel it-test kif ġej:
|
Opinjoni tas-Sezzjoni |
Emenda |
|
Il-KESE jqis li kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħaq l-objettiv tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz ta’ kundizzjonijiet eżiġenti għall- promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi tal-enerġija (pereżempju, permezz ta l-prevenzjoni tal-faqar enerġetiku). Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-akbar diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jitlob li jittejbu l-programmi għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li jitħaffu u li jiġu ssemplifikati, b’servizzi ta’ appoġġ u akkumpanjament kontinwu. |
Il-KESE jqis li kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jintlaħaq l-objettiv tat-tranżizzjoni tal-enerġija, bil-promozzjoni u l-forniment ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u b’hekk jikkontribwixxu għall-għoti ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll bir-rwol importanti x’jaqdu li jista’ jkollhom biex jiġi żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi tal-enerġija (pereżempju, b’hekk jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-faqar enerġetiku). Madankollu, sabiex jiġu indirizzati l-akbar diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jitlob li jittejbu l-programmi għall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li jitħaffu u li jiġu ssemplifikati, b’servizzi ta’ appoġġ u akkumpanjament kontinwu. |
Raġuni
L-emenda għandha l-għan li tiċċara t-test biex tispjega kif il-kumpaniji u l-SMEs jikkontribwixxu biex jipprovdu impjieg sostenibbli u b’dak il-mod jikkontribwixxu għall-għoti ta’ protezzjoni soċjali.
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
76 |
|
Kontra: |
99 |
|
Astensjonijiet: |
8 |
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata).
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata).
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/15 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Appoġġ għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol: kif inżommu l-impjegabbiltà, nagħtu spinta lill-produttività u niżviluppaw il-ħiliet, l-iżjed fl-SMEs”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2023/C 146/03)
|
Relatur: |
Mariya MINCHEVA |
|
Konsultazzjoni |
Deċiżjoni tal-Bureau, 18.1.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
20.1.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
30.1.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
153/2/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Is-suq tax-xogħol Ewropew qed jittrasforma u qed jiffaċċja sfidi ġodda kkawżati mill-aċċellerazzjoni tal-progress teknoloġiku u t-tkabbir intelliġenti sostenibbli, flimkien mat-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-migrazzjoni, u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Din it-trasformazzjoni tirrikjedi li jkun hemm fehim tajjeb ta’ liema tip ta’ ħiliet huma meħtieġa għal trasformazzjonijiet futuri fis-suq tax-xogħol, inkluż fl-SMEs, sabiex tinżamm impjegabbiltà sostenibbli, ikun hemm livell għoli ta’ produttività u jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħaddiema. |
|
1.2. |
L-iżvilupp tal-ħiliet u l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja jridu jkunu parti integrali ta’ strateġiji usa’ ta’ tkabbir ekonomiku u tal-pjani tagħall-irkupru u r-reżiljenza. Ir-rivoluzzjoni teknoloġika qed ikollha impatt qawwi fuq in-natura tax-xogħol u l-impjiegi, u qed taċċellera x-xejriet fir-ristrutturar tal-impjiegi. Għalhekk l-impjegabbiltà hija marbuta direttament mal-kapaċità ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fil-livell tal-intrapriżi sabiex ikunu jistgħu jiġu ġestiti l-bidliet u l-attitudnijiet tan-nies fir-rigward ta’ ħiliet u opportunitajiet ġodda u l-motivazzjoni biex jiżviluppawhom. |
|
1.3. |
Fatturi differenti, bħas-soċjetà li qed tixjieħ u x-xejriet demografiċi, joħolqu għadd ta’ sfidi f’termini tal-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-impjiegi. Dawn huma relatati mat-trattament ġust u ugwali ta’ ġenerazzjonijiet differenti, il-motivazzjoni u l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, u l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid sabiex jikkontribwixxu għaż-żieda fil-livelli ta’ produttività, it-titjib tal-kapaċitajiet professjonali individwali, il-ġestjoni tad-differenzi ġenerazzjonali, u l-kooperazzjoni u l-appoġġ reċiproku bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. It-tagħlim għall-adulti huwa essenzjali għat-titjib tal-ħiliet tal-adulti u jista’ jiġġenera firxa ta’ benefiċċji personali, soċjetali, ekonomiċi u soċjali. |
|
1.4. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jaqbel mal-fehma li l-“UE teħtieġ rivoluzzjoni tal-ħiliet biex tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jirnexxu” (1) u jappella għall-mobilizzazzjoni tal-isforzi u għal azzjoni konġunta effettiva mill-istituzzjonijiet, in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati skont il-Patt għall-Ħiliet u l-ksib tal-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fil-programm tiegħu. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex l-2023 issir is-Sena Ewropea tal-Ħiliet (2). |
|
1.5. |
L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fl-iżvilupp tal-potenzjal uman biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jinżammu l-ħiliet tal-impjegabbiltà. Ir-rwol tagħhom fi proċess ta’ negozjar kollettiv sod u effettiv huwa essenzjali biex jitnaqqas id-distakk bejn l-aspirazzjonijiet tal-impjegati għall-karrieri professjonali tagħhom u l-ħtiġijiet tal-kumpaniji, kif ukoll biex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet, iżda wkoll biex tittejjeb ir-rabta bejn is-sistemi edukattivi, is-sistemi tal-VET u s-servizzi tal-impjiegi ma’ politiki dwar l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-industrija, il-kummerċ u t-teknoloġija. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma għodod b’saħħithom biex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinsabu f’pożizzjoni tajba biex joffru ambjent ta’ tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll involviment sinifikanti għall-voluntiera korporattivi biex jiżviluppaw kompetenzi ewlenin. L-organizzazzjonijiet rispettivi tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll rwol importanti x’jaqdu, speċjalment dawk li joperaw fil-qasam tal-intraprenditorija soċjali jew ma’ diversi gruppi vulnerabbli fis-soċjetà. |
|
1.6. |
Forom ġodda ta’ impjieg, protetti b’mod adatt u li jirriżultaw mill-bidliet fin-natura tax-xogħol, jistgħu joffru diversi opportunitajiet għan-nies biex jinvolvu ruħhom fl-intraprenditorija, jiddeversifikaw l-introjtu tagħhom, u jibdew professjonijiet u attivitajiet li qabel ma kinux disponibbli għalihom. Iż-żamma tal-impjegabbiltà f’dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ regolamentazzjoni adatta, inkluż permezz ta’ negozjar kollettiv, sistema ta’ taħriġ vokazzjonali professjonali li tkun kapaċi tiżviluppa ħiliet intraprenditorjali u professjonali skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tip ġdid ta’ mentalità motivazzjonali, u kultura legali u ekonomika tajba. |
|
1.7. |
It-trasformazzjoni diġitali tista’ tkun sfida għaż-żamma tal-impjegabbiltà u l-implimentazzjoni b’suċċess tas-suq tax-xogħol għal partijiet kbar tas-soċjetà tagħna. Tista’ twassal għal riskju ta’ żieda fl-inugwaljanzi minħabba differenzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-litteriżmu bażiku u funzjonali, l-ostakli tal-età, l-aċċess għal teknoloġiji moderni u kemm jintużaw skont il-ħiliet u l-introjtu. Il-kapaċità li l-ħiliet diġitali jiġu aġġornati b’mod kostanti skont il-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bla dubju se jkunu fost l-aktar sfidi importanti fil-futur. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-investimenti fuq skala wiesgħa previsti fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza biex jappoġġjaw iż-żieda fil-ħiliet diġitali (3). |
|
1.8. |
Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika se tirrikjedi nies bil-ħiliet it-tajba u postijiet tax-xogħol li jkollhom l-ambjent tax-xogħol it-tajjeb u s-sistemi ekoloġiċi ta’ produzzjoni. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta f’għadd ta’ setturi ekonomiċi, fejn l-impjiegi eżistenti se jiġu ttrasformati b’mod radikali. Hemm erba’ gruppi ta’ ħiliet li huma meqjusa partikolarment importanti għall-okkupazzjonijiet ekoloġiċi: il-ħiliet tekniċi u tal-inġinerija; il-ħiliet xjentifiċi; il-ħiliet ta’ mmaniġġjar operazzjonali u l-ħiliet ta’ monitoraġġ. Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet li diġà ttieħdu fil-livell tal-UE biex jiġi promoss it-tagħlim dwar is-sostenibbiltà ambjentali u t-tranżizzjoni ekoloġika fl-UE (4), u jitlob li jiġu offruti soluzzjonijiet prattiċi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE. |
|
1.9. |
Il-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol se jirrikjedu dejjem aktar ħiliet konjittivi avvanzati u ta’ ordni ogħla, li jagħmluha possibbli li wieħed jopera u jieħu deċiżjonijiet f’ambjent imprevedibbli, mhux ta’ rutina u li jinbidel b’mod dinamiku. Il-“metaħiliet”, li jżidu u jaċċelleraw l-akkwist ta’ ħiliet oħra u huma katalizzatur għal tagħlim aktar mgħaġġel u żvilupp ta’ suċċess tul il-ħajja, huma kruċjali biex in-nies jibqgħu impjegabbli fil-kundizzjonijiet tal-lum. |
|
1.10. |
Ir-rwol tas-sistemi fl-akkwist, it-tbassir u l-klassifikazzjoni tal-ħiliet qed isir kruċjali fl-isfond tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b’mod dinamiku. Fl-istess ħin, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ għodod biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet f’pajjiżi individwali jeħtieġ li jittejbu u l-partijiet interessati kollha għandhom jiġu involuti b’mod attiv u jagħmlu użu sħiħ mir-riżultati ta’ dan il-proċess. |
|
1.11. |
It-tqegħid tal-ħiliet u l-kwalifiki fil-qalba tad-dibattitu politiku Ewropew għandu jistimula: |
|
1.11.1. |
il-mobilizzazzjoni tal-gvernijiet, tan-negozji, tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet interessati biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji ta’ ħiliet moderni u komprensivi fil-livell nazzjonali u settorjali; il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet imtejba ta’ tagħlim u żvilupp; li jinġibed u jinżamm it-talent biex jiġu żviluppati kapaċitajiet diġitali, ekoloġiċi u konjittivi ewlenin, ħiliet personali, il-kapaċità li wieħed jimmaniġġja l-bidliet; u d-disponibilità għal aktar investiment pubbliku u privat; |
|
1.11.2. |
l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi tat-tqabbil tal-ħiliet u s-sensibilizzazzjoni dwar il-prattiki tajba eżistenti f’dan il-qasam. Dawn jistgħu jkunu sistemi li jiffunzjonaw kemm fis-servizzi tal-impjieg pubbliku kif ukoll fis-settur privat; |
|
1.11.3. |
l-aċċellerazzjoni tal-proċessi fil-modernizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żieda fl-attraenza, il-kwalità, il-flessibbiltà u l-adattabbiltà tagħhom għall-ħtiġijiet ta’ etajiet u kategoriji differenti ta’ ħaddiema, il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li jinbnew kompetenzi ewlenin biex jiġu żgurati ambjent kompetittiv, is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali; |
|
1.11.4. |
il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet u motivazzjoni għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol permezz ta’ gwida għall-karriera, sabiex jingħataw aċċess għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u żvilupp ġenwin tal-karriera. |
|
1.12. |
L-SMEs għandhom jitħeġġu jaħdmu f’networks li jinteraġixxu, jikkooperaw fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-riċerka dwar il-ħtiġijiet meħtieġa u jiġbru flimkien il-kapaċitajiet tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja u l-iżvilupp tal-ħiliet. Il-kundizzjonijiet tal-komunità lokali li joperaw fiha, is-sistemi tal-impjieg reġjonali, l-appoġġ tal-amministrazzjonijiet lokali, u l-aċċess tagħhom għal teknoloġiji ġodda, l-innovazzjoni u s-servizzi taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali huma essenzjali għall-funzjonament sostenibbli tagħhom. |
|
1.13. |
L-antiċipazzjoni tal-ħiliet jeħtieġ li tiġi żviluppata b’mod wiesa’ mill-atturi ekonomiċi u mill-partijiet interessati tagħhom. L-appoġġ għall-SMEs huwa meħtieġ biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-politika tagħhom dwar it-taħriġ u l-iżvilupp tal-kapital uman. B’mod partikolari, l-iskemi ta’ taħriġ doppju u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol huma partikolarment adattati għall-ħtiġijiet tal-SMEs. L-imsieħba soċjali għandhom rwol fundamentali x’jaqdu f’dan ir-rigward fil-qafas tad-djalogu soċjali fis-setturi ta’ attività tagħhom. |
2. Kummenti ġenerali u kuntest
|
2.1. |
Il-pandemija tal-COVID-19 poġġietna f’kuntest ġdid li wassal għal bidliet fl-imġiba, fl-attitudnijiet u fil-kultura tas-soċjetà. L-aspettattivi u l-imġiba tal-konsumaturi nbidlu (aktar komunikazzjoni u interazzjoni online), kif inbidlu wkoll il-mudelli tan-negozju u l-organizzazzjoni tax-xogħol (modi ta’ ħidma aktar remoti u ibridi). It-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali twitti t-triq għall-adattament tas-sistemi u l-prattiki eżistenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi t-tajba. |
|
2.2. |
Il-kwistjonijiet tal-ħiliet, il-kwalifiki u l-impjieg, in-natura tax-xogħol li qed tinbidel u l-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol inklużiv kienu s-suġġett ta’ bosta Opinjonijiet tal-KESE (5), li għadhom rilevanti sal-lum. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tanalizza x’ħiliet huma meħtieġa għal trasformazzjonijiet futuri tas-suq tax-xogħol, kif għandha tinżamm l-impjegabbiltà u jsir kontribut biex tingħata spinta lill-produttività, u li tesplora strateġiji effettivi biex jittejjeb l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol u jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħaddiema, inkluż għall-SMEs. |
|
2.3. |
L-istrateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet iridu jsiru parti mill-politiki u l-pjani nazzjonali ta’ tkabbir f’sinerġija mar-riċerka industrijali u l-iżvilupp ekonomiku. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ setturi b’valur miżjud għoli, jgħinu lill-ħaddiema u lin-negozji jimmaniġġjaw il-bidla u jgħinuhom iżommu l-pass mal-innovazzjoni fl-oqsma teknoloġiku, diġitali u ekoloġiku. Dan se jeħtieġ aktar investiment fir-riżorsi u l-ippjanar f’termini ta’ sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ li tkun kapaċi tilqa’ l-isfidi l-ġodda u li tista’ telimina d-diskrepanza fis-suq tax-xogħol. |
|
2.4. |
Il-KESE jemmen li ż-żamma ta’ impjegabbiltà sostenibbli hija kwistjoni multidimensjonali, fejn l-isfidi ewlenin huma relatati man-natura li qed tinbidel tax-xogħol, tal-impjiegi u tal-professjonijiet, il-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għat-tagħlim u l-iżvilupp tul il-ħajja, id-diġitalizzazzjoni, ir-rwol dejjem jikber tal-potenzjal tal-bniedem u l-produttività tax-xogħol, il-bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, it-tibdil demografiku u l-ħtieġa li jiġu żgurati tendenzi ġodda ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’ħinijiet flessibbli tax-xogħol, u li jiġu promossi politiki dwar it-tixjiħ attiv (6). Hemm bżonn ta’ ambjent ta’ appoġġ, sabiex in-nies jifhmu u jkunu jaf bl-importanza tat-taħriġ għall-ħajja professjonali tagħhom, u jkunu kapaċi u motivati biex jużaw l-opportunitajiet kollha għat-tagħlim tul il-ħajja, irrispettivament mill-istadju li jinsabu fih f’ħajjithom. F’dan il-kuntest, il-kapaċità li jinżammu l-impjiegi hija marbuta direttament mal-attitudnijiet lejn ħiliet ġodda u l-kapaċità li dawn jiġu żviluppati f’konformità mad-dinamika tas-suq tax-xogħol. |
|
2.5. |
L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp u ż-żamma tal-ħiliet tal-impjegabbiltà. Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jappoġġjaw il-konverġenza bejn l-aspirazzjoni tal-impjegati fil-karriera professjonali tagħhom u l-ħtiġijiet tal-kumpaniji fir-rigward tal-ħiliet. Ir-rwol tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ struttura soda u effettiva ta’ negozjar kollettiv, huwa essenzjali fil-proċess tar-rikonoxximent tal-ħiliet. Il-KESE jqis li, sabiex jittejjeb ir-riżultat ġenerali fis-swieq tax-xogħol, trid tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-sistemi tal-edukazzjoni, is-sistemi tal-VET u s-servizzi tal-impjiegi mal-politiki dwar l-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-industrija, il-kummerċ u t-teknoloġija, kif ukoll il-politiki makroekonomiċi. Dan jista’ jkun partikolarment effettiv fil-livelli lokali. |
|
2.6. |
Il-bidliet fin-natura tax-xogħol qed iwasslu wkoll għall-iżvilupp ta’ forom ġodda u flessibbli ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg u mudelli mhux standard ta’ impjieg li jibdlu l-mod kif inhu strutturat is-suq tax-xogħol Ewropew. Forom ġodda ta’ xogħol, protetti b’mod adatt, jistgħu jiftħu opportunitajiet ġodda għan-nies biex jinvolvu ruħhom fl-intraprenditorija, biex jiddiversifikaw l-introjtu, u biex jibdew professjonijiet u attivitajiet li qabel ma kinux disponibbli għalihom. Min-naħa l-oħra, forom ġodda ta’ xogħol għandhom jipprovdu garanzija ta’ aċċess għall-protezzjoni soċjali, peress li dan huwa marbut direttament mas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Iż-żamma tal-impjegabbiltà f’dawn il-kundizzjonijiet teħtieġ regolamentazzjoni adatta (inkluż permezz ta’ negozjar kollettiv), tip ġdid ta’ mentalità motivazzjonali, il-kultura legali u ekonomika adatta, u r-rieda li jiġu żviluppati ħiliet intraprenditorjali u professjonali li jirreaġixxu għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu. |
|
2.7. |
L-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali u l-impatt tagħhom fuq in-natura u l-organizzazzjoni tax-xogħol jistgħu jkunu ta’ sfida serja għaż-żamma tal-impjegabbiltà u s-suċċess tas-suq tax-xogħol. Id-diġitalizzazzjoni tista’ twassal għal riskju ta’ żieda fl-inugwaljanzi eżistenti minħabba differenzi kbar fl-edukazzjoni, inkluż il-litteriżmu bażiku u funzjonali, l-ostakli tal-età, u l-aċċess għal teknoloġiji moderni u kemm jintużaw skont il-ħiliet u l-introjtu. Peress li l-ġenerazzjoni emerġenti hija fil-biċċa l-kbira diġitali u l-anzjani ġeneralment jippreferu metodi ta’ ħidma analogi, il-ġenerazzjonijiet differenti jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal xulxin. Il-KESE jilqa’ l-investimenti massivi fil-ħiliet diġitali permezz tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
2.8. |
Il-ħiliet ekoloġiċi huma l-għarfien, il-kapaċitajiet, il-valuri u l-attitudnijiet meħtieġa biex wieħed jgħix, jiżviluppa u jappoġġja soċjetà sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (7). It-tranżizzjoni ekoloġika se tirrikjedi bidliet fil-proċessi tal-produzzjoni u fil-mudelli tan-negozju u, inevitabbilment, se tbiddel il-ħiliet meħtieġa u l-kompiti involuti f’ħafna okkupazzjonijiet eżistenti. Se tirrikjedi wkoll programmi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema. Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika se teħtieġ persuni bil-ħiliet it-tajba. Il-KESE jirrikonoxxi r-rispons politiku għal dan l-għan u jitlob li jiġu offruti soluzzjonijiet prattiċi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE. |
|
2.9. |
Xejriet demografiċi irriversibbli, forza tax-xogħol li qed tonqos u lonġevità akbar jirrikjedu li jiġu promossi politiki ġodda dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol, programmi ta’ skambju interġenerazzjonali, tendenzi ġodda ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’ħinijiet flessibbli tax-xogħol negozjati, u miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għal produttività aħjar tax-xogħol u jippromovu t-tixjiħ attiv. Fil-kuntest tal-impjegabbiltà, jinqalgħu ħafna problemi u sfidi fil-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fiċ-ċikli tal-ħajja relatati max-xogħol. Dawn jikkonċernaw it-trattament ġust u ugwali tal-ġenerazzjonijiet fis-suq tax-xogħol, il-kultura relatata mal-fehim tal-età, il-ġestjoni tad-differenzi ġenerazzjonali, il-ġestjoni tal-kapital soċjali. L-aċċess għal opportunitajiet indaqs għal kulħadd għat-tagħlim tul il-ħajja jgħin biex tinżamm l-impjegabbiltà u jikkontribwixxi għal żieda fil-produttività fl-istadji kollha tal-ħajja, kooperazzjoni msaħħa u appoġġ bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. |
|
2.10. |
L-attirar ta’ migranti b’ħiliet partikolari huwa wkoll parti importanti minn kwalunkwe katina tal-provvista tal-ħiliet futura. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” hija pass pożittiv f’din id-direzzjoni. |
3. Ħiliet meħtieġa għat-trasformazzjonijiet futuri fis-suq tax-xogħol
|
3.1. |
Il-ħiliet huma ċentrali għall-kapaċità tas-soċjetajiet, il-kumpaniji u l-individwi biex jirnexxu f’dinja dejjem aktar interkonnessa u li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Il-futur tax-xogħol se jkun differenti għal persuni b’livelli differenti ta’ edukazzjoni u kwalifiki. Id-domanda għal impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet se tonqos gradwalment, għalkemm se jiġi ppreservat għadd partikolari ta’ tali impjiegi Xi kompiti tax-xogħol li huma relatati ma’ ħiliet fiżiċi jew manwali, numeriċi u ta’ servizz għall-klijenti huma l-aktar f’riskju ta’ trasformazzjoni jew għajbien, minħabba l-adozzjoni ta’ sistemi intelliġenti u ta’ awtomatizzazzjoni. Madankollu, il-ħaddiema tas-sengħa jew il-professjonijiet artistiċi se jibqgħu, u t-titjib tal-ħiliet tagħhom huwa essenzjali għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Minħabba t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, id-domanda għal livelli għoljin ta’ edukazzjoni u kwalifiki se tikber b’mod sinifikanti, filwaqt li l-impjiegi b’livell medju ta’ ħiliet se jibqgħu temporanjament stabbli, iżda ħafna minnhom se jinbidlu skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. |
|
3.2. |
Ir-rwol tas-sistemi fl-akkwist, it-tbassir u l-klassifikazzjoni tal-ħiliet qed isir kruċjali fl-isfond tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b’mod dinamiku. Il-KESE jilqa’ t-tendenza lejn il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ tassonomiji u dizzjunarji Ewropej ta’ ħiliet u kompetenzi bħall-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi, il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp 2.2), DigCompEdu, il-Qafas għall-Kompetenza fl-Elettronika, id-Dizzjunarju tal-Ħiliet u l-Kompetenzi, l-Impjiegi tal-UE, GreenComp, eċċ. Dawn jagħtu kontribut kbir għat-trasparenza tal-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol, għall-portabbiltà tal-kwalifiki u għall-introduzzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq il-kompetenzi għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tar-riżorsi umani. Fl-istess ħin, aħna nappoġġjaw il-fehma (8) li t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ għodod biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet f’pajjiżi individwali mhumiex fil-livell meħtieġ u mhux il-partijiet interessati kollha huma involuti b’mod attiv jew jagħmlu użu sħiħ mir-riżultati ta’ dan il-proċess. |
|
3.3. |
L-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali fid-definizzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet fid-dawl tad-data miksuba minn osservatorji professjonali u territorjali. Għalhekk huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti sa mill-bidu tal-proċess biex tiġi evitata diskrepanza bejn il-ħtiġijiet reali ta’ min iħaddem u tal-impjegati fl-Ewropa. |
|
3.4. |
Il-ħiliet diġitali bla dubju se jkunu fost l-aktar ħiliet importanti fil-futur. Fis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea, hemm żieda sinifikanti fil-ħtieġa għal ħiliet diġitali speċjalizzati u żviluppati ħafna. |
|
3.5. |
Hemm ukoll żieda sinifikanti fil-ħtieġa għall-ħiliet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, matematika) u kombinazzjonijiet ta’ ħiliet interdixxiplinari – “ħiliet ibridi”, “ħiliet trasversali” u “ħiliet interfunzjonali”. L-għarfien espert professjonali, ir-riċerka u l-ħiliet ta’ prospettiva, il-ħiliet għall-analiżi u l-interpretazzjoni sofistikati ta’ informazzjoni kumplessa u l-ħiliet teknoloġiċi se jkunu dejjem aktar apprezzati. L-indiċi tal-Ħiliet Ekoloġiċi Ġenerali (Green General Skills index) (9) jidentifika erba’ gruppi ta’ ħiliet li huma meqjusa partikolarment importanti għall-okkupazzjonijiet ekoloġiċi: il-ħiliet tekniċi u tal-inġinerija; il-ħiliet xjentifiċi; il-ħiliet ta’ mmaniġġjar operazzjonali u l-ħiliet ta’ monitoraġġ. |
|
3.6. |
L-ekonomiji u l-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol se jirrikjedu dejjem aktar ħiliet konjittivi avvanzati u ta’ ordni ogħla, li jagħmluha possibbli li wieħed jopera u jieħu deċiżjonijiet f’ambjent imprevedibbli, mhux ta’ rutina u li jinbidel b’mod dinamiku. Ħafna drabi, dawn ikunu ħiliet analitiċi, kreattivi, innovattivi, mhux standard, sistemiċi, kunċettwali, strateġiċi, astratti, awtonomi u ta’ ħsieb kritiku. Il-“metaħiliet”, li jżidu u jaċċelleraw l-akkwist ta’ ħiliet oħra u huma katalizzatur għal tagħlim aktar mgħaġġel u żvilupp ta’ suċċess tul il-ħajja, huma kruċjali biex in-nies jibqgħu impjegabbli fil-kundizzjonijiet moderni. |
|
3.7. |
Il-magni u l-algoritmi mhux se jissostitwixxu l-ħtieġa ta’ ħiliet personali fis-suq tax-xogħol. Il-futur tax-xogħol u t-tibdil fil-profili tal-impjiegi se jeħtieġu għadd kbir ta’ ħiliet soċjokomunikattivi u komportamentali, li l-aktar imfittxija minnhom se jkunu l-intelliġenza emozzjonali, l-empatija, il-bini ta’ relazzjonijiet, in-networking, il-komunikazzjoni effettiva, l-assertività, il-ħidma f’tim, l-istil, l-etikett tan-negozju, it-tolleranza interkulturali, in-negozjar, il-ġestjoni tal-kunflitti, eċċ. |
|
3.8. |
Ħafna ħiliet interfunzjonali u komportamentali relatati mal-effettività personali huma wkoll fost l-aktar mitluba fis-suq tax-xogħol. Il-ħiliet l-aktar mitluba f’dan il-kuntest huma l-intraprenditorija, il-ħidma f’tim, il-ħiliet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ soluzzjoni tal-problemi, l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati, it-twettiq ta’ diversi kompiti fl-istess ħin, il-flessibbiltà u l-adattabbiltà, is-sens ta’ inizjattiva, l-inġenjożità, ir-responsabbiltà, l-awtomonitoraġġ, il-previżjoni, l-attenzjoni għad-dettall, l-indirizzar tal-inċertezza, it-tensjoni u l-istress, il-ġestjoni tal-ħin, eċċ. |
4. L-iżvilupp tal-forza tax-xogħol għal suq tax-xogħol inklużiv u produttività għolja
|
4.1. |
Sabiex is-suq tax-xogħol Ewropew jiffaċċja l-isfidi li ġejjin, l-ewwel u qabel kollox irid ikun inklużiv, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u joħloq kundizzjonijiet għall-investiment f’sistemi tal-impjiegi li jiffunzjonaw tajjeb li jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fil-produttività u jiggwidaw politiki effiċjenti ta’ taħriġ u ħiliet, flimkien ma’ politiki attivi u robusti tas-suq tax-xogħol. Minkejja t-tradizzjonijiet u l-prattiki differenti fl-Istati Membri kollha, il-KESE jemmen li huwa meħtieġ li: |
|
4.1.1. |
jiġu ottimizzati s-sistemi għall-monitoraġġ, l-analiżi u t-tbassir tal-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol; |
|
4.1.2. |
jiżdied l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet interessati kollha, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-intrapriżi li jiżviluppaw proċeduri interni biex jidentifikaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ taħriġ, u li japplikaw miżuri għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom stess; |
|
4.1.3. |
jiġu applikati approċċi u teknoloġiji tal-informazzjoni moderni biex isaħħu, jissistematizzaw bejn is-setturi u r-reġjuni u jagħmlu aċċessibbli data analitika dwar il-ħiliet sabiex jipprovdu taħriġ u kwalifiki rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; pereżempju, il-pjattaformi tal-għarfien dwar it-talenti jistgħu jintegraw informazzjoni differenti dwar il-ħaddiema minn naħa waħda (il-ħiliet, il-kapaċitajiet, l-esperjenza, ix-xewqa għall-iżvilupp professjonali, id-demografija, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ, l-opportunitajiet ta’ żvilupp), u l-ħtiġijiet ta’ min iħaddem min-naħa l-oħra; |
|
4.1.4. |
flimkien mal-imsieħba soċjali, titwettaq valutazzjoni strateġika tal-isfidi u l-implikazzjonijiet għall-impjiegi, il-professjonijiet, il-kwalifiki, l-attivitajiet u l-ħiliet relatati mat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali, u jiġu żviluppati kemm forom adatti ta’ kwalifiki u taħriġ mill-ġdid, kif ukoll isir investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet u appoġġ għall-persuni milquta mill-bidla jew it-tranżizzjoni lejn impjiegi ekoloġiċi; |
|
4.1.5. |
jiġu analizzati l-ostakli li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ biex jiksbu kwalifiki u ħiliet STEM, u jitwettqu azzjonijiet immirati biex iżidu l-attraenza tal-edukazzjoni u l-karrieri STEM fost il-bniet u n-nisa; |
|
4.1.6. |
jittieħdu miżuri biex jinħolqu sistemi tal-VET li jkunu aġli, reżiljenti u validi għall-futur u li jistgħu jattiraw liż-żgħażagħ u jappoġġjaw id-dħul tagħhom f’suq tax-xogħol li qed jinbidel, u jiżguraw li l-adulti jkollhom aċċess għal programmi vokazzjonali mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom u adattati għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali; |
|
4.1.7. |
jiġi żgurat rwol strateġiku aktar attiv għall-imsieħba soċjali fl-aċċellerazzjoni taċ-ċiklu tal-ħolqien u l-provvista ta’ kwalifiki ġodda, fl-aġġornament tal-kurrikuli, u fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament u l-awditjar tal-kwalità. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-mikrokredenzjali, l-istandards tal-kwalità tagħhom u l-possibbiltajiet għar-rikonoxximent u l-inklużjoni tagħhom f’networks ta’ kwalifiki usa’. Għandha tiġi estiża l-prattika li jiġu stabbiliti kumitati settorjali, anke fil-livell territorjali, bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet edukattivi, biex jiġi indirizzat l-ispariġġ fil-ħiliet u biex jinħolqu b’mod flessibbli mikrokredenzjali li jaqblu mill-qrib mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-kumpaniji; |
|
4.1.8. |
jitħeġġeġ l-użu tan-negozjar kollettiv biex jiġi żgurat aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u tiġi ffaċilitata l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’: kontijiet individwali tal-apprendiment, il-kunsiderazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ liv imħallas għal finijiet ta’ taħriġ, skont il-prattiki nazzjonali, u għadd minimu ta’ sigħat ta’ taħriġ fis-sena; l-għoti ta’ inċentivi għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; ir-rikonoxximent tal-kwalifiki fost l-Istati Membri tal-UE; l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-għarfien korporattiv; il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ mentoraġġ ma’ impjegati rtirati b’esperjenza, eċċ.; |
|
4.1.9. |
jiġu żviluppati politiki li jiżguraw aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta’ tagħlim u żvilupp. Dan jimplika: |
|
4.1.9.1. |
l-implimentazzjoni tat-tliet passi stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-UE tal-2016 dwar “Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti” – valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta’ tagħlim imfassla apposta għall-individwu, u validazzjoni u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba; |
|
4.1.10. |
li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema li ħafna drabi jkunu esklużi mit-taħriġ iżda li, proprju għal din ir-raġuni, jeħtiġuh l-aktar: il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet; il-persuni li għandhom aktar minn 45 sena; il-persuni b’diżabbiltà; in-nisa li jirritornaw għax-xogħol wara assenzi twal minħabba responsabbiltajiet tal-familja u ta’ kura; il-migranti u r-refuġjati. Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-intrapriżi soċjali huwa kruċjali biex jgħinu lil dawn il-gruppi vulnerabbli fil-bżonnijiet ta’ taħriġ tagħhom. |
5. L-isfidi għall-SMEs biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għat-trasformazzjonijiet futuri fis-suq tax-xogħol
|
5.1. |
L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jikkostitwixxu 99 % tan-negozji kollha fl-UE. Madwar 24 miljun SME jiġġeneraw aktar minn EUR 4 triljun f’valur miżjud, jimpjegaw aktar minn 90 miljun persuna, u jirrappreżentaw sors kruċjali ta’ spirtu intraprenditorjali u innovazzjoni, li huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività tal-industrija Ewropea (10). L-importanza tal-SMEs minn dejjem kienet rikonoxxuta, iżda l-COVID-19 ħarġet fid-dieher kemm huma vulnerabbli għall-impatti esterni, speċjalment fil-kuntest ta’ kriżi li poġġiet għadd kbir ta’ SMEs f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja u miljuni ta’ impjiegi f’riskju. |
|
5.2. |
L-SMEs jiffaċċjaw l-istess sfidi bħal kulħadd, iżda għandhom problemi speċifiċi relatati mal-aċċess għas-suq u finanzjament aħjar, l-adozzjoni tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-tranżizzjoni lejn mudelli ta’ negozju newtrali għall-klima u l-bidla minn produzzjoni lineari għal produzzjoni ċirkolari. |
|
5.3. |
Minħabba r-riżorsi limitati, l-għarfien espert insuffiċjenti u l-pożizzjoni reġjonali tagħhom, il-maġġoranza l-kbira tal-SMEs għandhom diffikultajiet serji biex jattiraw it-talent, u biex jagħżlu, iħarrġu, jiżviluppaw, jimmotivaw u jżommu lill-persunal. Madwar 40 % biss tal-SMEs għandhom strateġiji u politiki bil-miktub għall-ġestjoni tar-riżorsi umani. Minħabba d-diffikultajiet tagħhom biex jikkumpensaw għall-assenzi ta’ persunal fuq taħriġ estern, kif ukoll il-kapaċità finanzjarja limitata tagħhom, l-SMEs għandhom perċentwal aktar baxx mill-medja tal-UE fl-użu ta’ forom ta’ taħriġ vokazzjonali li jsir wiċċ imb wiċċ. |
|
5.4. |
Il-maġġoranza l-kbira tal-SMEs joperaw f’niċeċ speċifiċi tas-suq u/jew f’setturi ekonomiċi mhux tradizzjonali, fejn in-natura tax-xogħol tirrikjedi ħiliet professjonali speċifiċi li jeħtieġ li jinkisbu u jiġu żviluppati f’ambjenti prattiċi reali. Ir-riżorsi umani limitati ħafna drabi jfissru li l-impjiegi jeħtieġu speċjalizzazzjoni usa’ u ħiliet ibridi trasferibbli marbuta mal-ħtieġa li tiġi kkombinata firxa usa’ ta’ dmirijiet funzjonali. |
|
5.5. |
Il-ħtiġijiet speċifiċi b’rabta mal-ħiliet tal-SMEs huma relatati prinċipalment mal-intraprenditorija teknoloġika, l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ negozju, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, is-sorsi ta’ finanzjament, l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-kumpaniji, proġetti u pjani ta’ negozju, l-implimentazzjoni ta’ mudelli innovattivi ta’ negozju, l-użu ta’ teknoloġiji diġitali, l-immarkar diġitali u l-kummerċjalizzazzjoni diġitali, li jaġixxu f’konformità mal-qafas regolatorju stabbilit, l-amministrazzjoni tal-persunal, l-ekonomija ekoloġika u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u l-ekonomija ċirkolari. |
|
5.6. |
Minħabba n-natura teknika tal-professjonijiet f’għadd kbir ta’ SMEs li għandhom għarfien uniku, speċjalment fi swieq niċċa, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol jipprovdi rispons xieraq għall-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet tagħhom. Bl-istess mod, huwa meħtieġ taħriġ fuq il-post tax-xogħol biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Dan it-tip ta’ taħriġ jiffaċilita l-iżvilupp tal-ħiliet fl-SMEs bis-saħħa tal-possibbiltà semplifikata li joffri biex jiġi organizzat it-taħriġ intern u jiġi ttrasferit l-għarfien fi ħdan il-kumpanija. Sabiex tiġi indirizzata l-problema taż-żamma tal-livelli tal-produzzjoni meta l-ħaddiema jkunu assenti mix-xogħol biex jattendu korsijiet ta’ taħriġ, min iħaddem għandu jirrikorri għal forom adatti ta’ taħriġ u strumenti ad hoc, bħall-kondiviżjoni ta’ programmi ta’ taħriġ fil-livell settorjali jew territorjali li jrawmu sinerġiji bejn l-SMEs, u għandu jkollu aċċess għal miżuri mmirati ta’ appoġġ finanzjarju. |
|
5.7. |
L-antiċipazzjoni tal-ħiliet jeħtieġ li tiġi żviluppata b’mod wiesa’ mill-atturi ekonomiċi u mill-partijiet interessati tagħhom. L-imsieħba soċjali, permezz tad-djalogu soċjali fil-fergħat u s-setturi tax-xogħol, għandhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020) 274 final.
(2) Ara d-Diskors tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President Ursula von der Leyen https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/SPEECH_22_5493
(3) https://ec.europa.eu/economy_finance/recovery-and-resilience-scoreboard/assets/thematic_analysis/scoreboard_thematic_analysis_digital_skills.pdf
(4) GreenComp: Il-qafas Ewropew ta’ Kompetenza dwar is-sostenibbiltà.
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (2022/C 243/04).
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (2022/C 243/01).
(5) Studju tal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol (LMO), “The work of the future, ensuring lifelong learning and training of employees” (Il-futur tax-xogħol, l-iżgurar tat-tagħlim u t-taħriġ tal-impjegati tul il-ħajja) (2022) (mhux disponibbli bil-Malti); Il-futur tax-xogħol – il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri (2017); Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati (2019); Id-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u l-lonġevità/il-popolazzjoni li qed tixjieħ – Il-prekundizzjonijiet biex il-ħaddiema li qed jixjieħu jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol il-ġdida (2019); Id-diġitalizzazzjoni, l-IA u l-ekwità – Kif għandha tissaħħaħ l-UE fit-tellieqa globali tal-ħiliet u l-edukazzjoni tal-ġejjieni, filwaqt li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali (2019); Taħriġ vokazzjonali: l-effettività tas-sistemi biex jiġu antiċipati u mqabbla l-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u r-rwol tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati differenti (2020); Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (2020); Kif, abbażi tal-edukazzjoni u t-taħriġ minn perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, jistgħu jiġu promossi l-ħiliet meħtieġa biex l-Ewropa tistabbilixxi soċjetà aktar ġusta, aktar koeżiva, aktar sostenibbli, aktar diġitali u aktar reżiljenti (2020); Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali (2020); Ekosistemi industrijali, awtonomija strateġika u l-benesseri (2021); Tagħlim imħallat (2021), Pakkett dwar l-edukazzjoni għolja (2022), eċċ.
(6) https://www.eurofound.europa.eu/mt/node/91839
http://erc-online.eu/wp-content/uploads/2017/03/With-signatures_Framework-agreement-on-active-ageing.pdf
(7) Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Industrijali.
(8) Ara “Skill needs anticipation: systems and approaches. Analysis of stakeholder survey on skill needs assessment and anticipation.” (L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet: sistemi u approċċi. Analiżi tal-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati dwar il-valutazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet.) ILO – Ġinevra, 2017, ISBN: 978-92-2-130248-3 (https://www.cedefop.europa.eu/files/2223_en.pdf), (mhux disponibbli bil-Malti).
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti 2021-2030 (2021/C 504/02).
(9) http://www.nber.org/papers/w21116
(10) https://www.europarl.europa.eu/factsheets/mt/sheet/63/small-and-medium-sized-enterprises
III Atti preparatorji
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-576 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 22.2.2023–23.2.2023
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/23 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 260/2012 u (UE) 2021/1230 fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro”
(COM(2022) 546 final — 2022/0341 (COD))
(2023/C 146/04)
|
Relatur: |
Christophe LEFÈVRE |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 21.11.2022 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 16.11.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
27/01/2023 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
64/0/1 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
146/1/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ dan ir-regolament dwar it-trasferiment ta’ kreditu istantanju f’euro, peress li f’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat ipprovda Opinjoni dwar il-pagamenti bl-imnut (1) u Opinjoni oħra dwar is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea (2) biex jikkontribwixxi għas-suq finanzjarju uniku, jissemplifika l-operazzjonijiet transfruntiera, u jiżgura l-operazzjonijiet finanzjarji bejn il-konsumaturi, in-negozji u l-SMEs. |
|
1.2. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-aċċessibbiltà tas-servizz għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej hija kruċjali għas-suċċess tal-pagamenti istantanji fl-UE. Għalhekk, aktar ma l-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Pagament (payment service provider — PSP) (3) jibdew joffru pagamenti istantanji, aktar se jkun ta’ suċċess il-pagament istantanju fl-UE. Il-pagamenti istantanji se jkunu disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha li għandhom kont bankarju fl-UE u fil-pajjiżi taż-ŻEE. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-pagamenti istantanji f’euro jkunu affordabbli, siguri u pproċessati mingħajr xkiel madwar l-UE. |
|
1.3. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-bank li qed jibgħat m’għandux jitlob tariffa biex jivverifika t-tqabbil bejn il-kont bankarju internazzjonali (IBAN) u l-isem tal-benefiċjarju iżda li għandha tiġi inkluża fil-prezz tal-pagament istantanju nnifsu. Il-KESE jirrakkomanda r-rekwiżit li l-PSPs ma jiċċarġjawx aktar għal pagamenti istantanji f’euro milli għal trasferimenti regolari ta’ kreditu bl-euro, speċjalment jekk is-sistema ta’ kontroll tal-IBAN tiġi estiża għall-pagamenti kollha taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA). |
|
1.4. |
Il-KESE jixtieq li l-verifika tal-IBAN ma tkunx limitata għall-pagamenti istantanji iżda tiġi estiża wkoll għat-trasferimenti klassiċi ta’ kreditu sakemm dawn jiġu pprovduti mill-PSPs. |
|
1.5. |
Għalissa l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u l-istituzzjonijiet ta’ pagament huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Din l-eżenzjoni għandha tiġi rtirata meta dawn l-istituzzjonijiet ikollhom aċċess għas-sistemi ta’ pagament, wara l-modifika tad-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu (98/26/KE) (4). Il-PSPs mhux bankarji għandhom ikunu koperti mir-regolament sakemm l-offerta tagħhom ta’ servizzi ta’ pagament tinkludi l-operat ta’ kont ta’ pagament u l-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu. Sa dik id-data, jeħtieġ li jiġi ċċarat kif jiġu applikati r-regoli dwar il-verifika tal-IBAN u dwar ir-responsabbiltà meta dawn il-partijiet terzi jintużaw biex jinbdew pagamenti istantanji. |
|
1.6. |
Madankollu, peress li dan ir-regolament jimmodifika r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandu jiġi ċċarat li s-servizzi ta’ investiment huma esklużi mid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament 2, Artikolu 3(i)). |
|
1.7. |
Il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha:
|
|
1.8. |
Biex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, il-KESE jirrakkomanda li fir-regolament jiġu inklużi u spjegati dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE:
|
|
1.9. |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi fid-dettall il-parti spjegattiva tar-regolament sabiex tkopri l-pożizzjoni ġenerali tal-UE u tipprovdi interpretazzjoni tas-sanzjonijiet applikabbli għall-oġġetti u s-servizzi fir-rigward tas-sanzjonijiet li japplikaw għall-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport, il-projbizzjoni, eċċ. ta’ ċerti oġġetti, eċċ. |
|
1.10. |
Il-PSPs jistgħu jimmonitorjaw is-sanzjonijiet b’mod aktar effettiv billi jkollhom listi ta’ monitoraġġ interni u d-dritt li jirreferu għal-listi ta’ pajjiżi oħra (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, eċċ.), u b’hekk inaqqsu r-riskji marbutin mar-reputazzjoni u r-riskji bankarji korrispondenti (il-prattika tas-suq attwali). Il-miżuri speċifiċi hawnhekk jinkludu:
|
|
1.11. |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u l-istituzzjonijiet ta’ pagament jitħallew jipparteċipaw fis-sistemi ta’ pagamenti bħala parteċipanti diretti u jara wkoll il-potenzjal li l-proposta tal-KE dwar il-pagamenti istantanji tiġi estiża għas-seba’ Stati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro li jagħmlu parti mis-Suq Uniku Ewropew. |
2. Il-proposta tal-Kummissjoni
|
2.1. |
Il-pagamenti istantanji huma forma ta’ trasferiment ta’ kreditu li permezz tiegħu l-fondi jgħaddu mill-kont tal-pagatur għal dak tal-benefiċjarju f’temp ta’ sekondi, fi kwalunkwe ħin, binhar jew billejl, u fi kwalunkwe jum tas-sena. Dan jiddistingwi l-pagamenti istantanji minn trasferimenti oħra ta’ kreditu, li jiġu pproċessati mill-PSPs matul il-ħinijiet tax-xogħol biss, u li permezz tagħhom il-fondi jiġu kkreditati lill-benefiċjarju biss sa tmiem il-jum ta’ negozju li jkun imiss. |
|
2.2. |
Fl-UE, l-arkitettura għall-pagamenti istantanji f’euro diġà teżisti. Din tinkludi diversi sistemi ta’ pagament li joffru saldu istantanju, u l-iskema ta’ trasferiment ta’ kreditu istantanju taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) (Skema SCT Inst.). |
|
2.3. |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2020 (7), il-Kummissjoni ħabbret leġiżlazzjoni proposta li tirrikjedi li l-PSPs fl-UE joffru pagamenti istantanji f’euro sa tmiem l-2021. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Jannar 2021 (8), il-Kummissjoni tenniet l-importanza tal-istrateġija tagħha dwar il-pagamenti bl-imnut u tal-innovazzjoni diġitali fil-finanzi. Sussegwentement, inkludiet inizjattiva dwar il-pagamenti istantanji fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2022 (9). |
|
2.4. |
Il-proposta biex il-pagamenti istantanji jsiru bl-euro se tkun disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha li jkollhom kont bankarju fl-UE u fil-pajjiżi taż-ŻEE, kemm jekk il-kont ikun f’euro kif ukoll jekk ikun f’munita oħra tal-UE. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-pagamenti istantanji f’euro jkunu affordabbli, siguri u pproċessati mingħajr xkiel madwar l-UE. Din il-proposta se tappoġġja l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fis-suq tal-pagamenti tal-UE, f’konformità sħiħa mar-regoli eżistenti dwar is-sanzjonijiet u l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja. Se tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi usa’ tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni u l-awtonomija strateġika miftuħa. Din l-inizjattiva tallinja mal-prijorità tal-Kummissjoni li tipprovdi ekonomija li taħdem għan-nies u li toħloq ambjent ta’ investiment aktar attraenti. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
F’dawn l-aħħar snin, il-KESE pprovda Opinjoni dwar il-pagamenti (10) u Opinjoni oħra dwar is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea (11) biex jikkontribwixxi għas-suq finanzjarju uniku, jissemplifika l-operazzjonijiet transfruntiera, u jiżgura l-operazzjonijiet finanzjarji bejn il-konsumaturi, in-negozji u l-SMEs. |
|
3.2. |
Fi tmiem l-2022, ftit aktar minn 13 % (12) tat-trasferimenti ta’ kreditu kollha f’euro kienu istantanji, kif ukoll:
|
|
3.3. |
L-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea turi li sa EUR 200 biljun li bħalissa huma msakkra fis-sistema finanzjarja huma rilaxxati fi kwalunkwe jum għal użu produttiv, li jirriżulta f’benefiċċji ekonomiċi ta’ bejn EUR 1,34 u EUR 1,84 biljun fis-sena. Din l-evalwazzjoni ma tqisx iż-żieda fl-inflazzjoni fl-Ewropa ta’ 10 sa 30 % f’xi pajjiżi li rriżultat mill-gwerra Russa fl-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19. |
|
3.4. |
Għall-konsumaturi, in-negozji, l-SMEs u l-bejjiegħa bl-imnut, il-pagament istantanju jirriżulta fi tranżazzjoni aktar sigura peress li l-flus jiġu riċevuti immedjatament. F’għażla addizzjonali ta’ pagament, jiġifieri f’pagamenti transfruntiera Ewropej, l-iffrankar tal-ispejjeż fuq garanziji ta’ pagament li mhumiex meħtieġa tejjeb l-immaniġġjar tal-fluss tal-flus. |
|
3.5. |
Il-pagamenti istantanji se jżidu wkoll l-għażla ta’ mezzi ta’ pagament fi ħwienet fiżiċi (l-hekk imsejjaħ Punt tal-Bejgħ, PoS — Point-of-Sale). Għalissa fil-ħwienet fiżiċi l-pagamenti huma possibbli biss fi flus kontanti jew bil-kard. Għal tranżazzjonijiet transfruntiera skemi ta’ kards internazzjonali biss jintużaw fil-prattika. B’din il-leġiżlazzjoni se jkun possibbli li jintużaw il-pagamenti istantanji għal pagamenti transfruntiera. |
|
3.6. |
Il-KESE jilqa’:
|
|
3.7. |
Il-KESE jirrakkomanda r-rekwiżit li l-PSPs ma jiċċarġjawx aktar għal pagamenti istantanji f’euro milli għal trasferimenti regolari ta’ kreditu bl-euro, speċjalment jekk is-sistema ta’ kontroll tal-IBAN jiġi estiż għall-pagamenti kollha tas-SEPA. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Peress li dan ir-regolament jimmodifika r-Regolament (UE) Nru 260/2012, għandu l-istess kamp ta’ applikazzjoni. Madankollu, mhuwiex ċar jekk dawn ir-regoli ġodda japplikawx ukoll għas-servizzi ta’ investiment. Dawn is-servizzi huma esklużi mid-Direttiva (UE) 2015/2366 (l-Artikolu 3(i) tal-PSD2). Ikun utli li tiġi ċċarata din l-esklużjoni. Il-verifika tal-qbil bejn l-IBAN u l-isem tal-benefiċjarju huwa kompitu għall-bank riċeventi li għalih irid jinvesti. Iżda dan il-bank ma jafx min hu l-ispeditur u ma għandu l-ebda relazzjoni miegħu jew magħha. Għaldaqstant, dan il-bank ma jistax jitlob tariffa mingħand l-ispeditur. Il-bank li qed jibgħat jista’ jitlob tariffa mingħand l-ispeditur iżda dan ikun illoġiku peress li x-xogħol isir l-aktar mill-bank riċeventi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-bank li qed jibgħat m’għandux jitlob tariffa għal dan is-servizz iżda — jekk dan ikun il-każ — għandha tiġi inkluża fil-prezz tal-pagament istantanju nnifsu, u m’għandhiex tintalab separatament bħala tariffa għal kull tranżazzjoni, minħabba li mbagħad jista’ jkollha effett negattiv fuq ir-rieda ta’ pagaturi li jużaw is-servizz u għalhekk fuq is-sikurezza tat-tranżazzjonijiet għall-pagaturi.
|
|
4.2. |
Il-KESE huwa tal-fehma li għas-suċċess tal-pagamenti istantanji fl-UE, l-aċċessibbiltà tas-servizz għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej hija kruċjali. Għalhekk, aktar ma l-PSPs joffru pagamenti istantanji, aktar se jkun ta’ suċċess il-pagament istantanju fl-UE. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-idea li l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u l-istituzzjonijiet ta’ pagament jitħallew jipparteċipaw fis-sistemi ta’ pagamenti bħala parteċipanti diretti u jara wkoll il-potenzjal li l-proposta tal-KE dwar il-pagamenti istantanji tiġi estiża għas-seba’ Stati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro li jagħmlu parti mis-Suq Uniku Ewropew. |
|
4.3. |
Il-KESE jqis li, minbarra l-proposta għal regolament, il-Kummissjoni Ewropea għandha:
|
5. Sanzjonijiet
|
5.1. |
Proporzjon għoli ħafna ta’ pagamenti transfruntiera f’euro huma rrifjutati mingħajr ġustifikazzjoni mill-PSPs minħabba problemi fil-verifika tal-applikazzjoni tal-penali. L-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-infurzar tas-sanzjonijiet jipprovdu lill-PSPs b’informazzjoni dwar il-kumpaniji soġġetti għal sanzjonijiet minħabba l-kontroll jew is-sjieda. Sfortunatament, mhuwiex rari li l-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi differenti jkollhom interpretazzjonijiet differenti tal-kriterji jew ir-raġunijiet għal bidla fis-sjieda u li jagħtu opinjonijiet differenti dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal tali impriżi. B’riżultat ta’ dan, kumpanija tista’ tiġi ssanzjonata f’pajjiż wieħed iżda mhux f’pajjiż ieħor. Għalhekk, ikun importanti li:
|
|
5.2. |
Il-PSPs jistgħu jimmonitorjaw is-sanzjonijiet b’mod aktar effettiv billi jkollhom listi ta’ monitoraġġ interni u d-dritt li jirreferu għal-listi ta’ pajjiżi oħra (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, eċċ.), u b’hekk inaqqsu r-riskji marbutin mar-reputazzjoni u r-riskji bankarji korrispondenti (il-prattika tas-suq attwali). Il-miżuri speċifiċi hawnhekk jinkludu:
|
|
5.3. |
L-Unjoni Ewropea jista’ jkollha interpretazzjoni differenti minn pajjiżi mhux tal-UE fir-rigward tas-sanzjonijiet. Sabiex ikun konformi mal-politika interna u barranija, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jagħmlu l-informazzjoni dwar il-persuni jew l-entitajiet imfassla skont il-miżuri restrittivi tal-UE adottati permezz ta’ Regolamenti tal-Kunsill skont l-Artikolu 215 tat-TFUE disponibbli għall-PSPs taħt is-superviżjoni tagħhom minnufih. Din l-informazzjoni għandha tikkostitwixxi l-lista uffiċjali ta’ persuni jew entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet tal-UE (miżuri restrittivi). Din il-lista għandha tiġi pprovduta mill-awtorità nazzjonali kompetenti (NCA) f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus (AML). |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 220, 9.6.2021, p. 72.
(2) ĠU C 341, 24.8.2021, p. 41.
(3) PSP huwa fornitur ta’ servizzi ta’ pagament kif definit fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2015/2366 (PSD2), bħal istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni ta’ pagament jew istituzzjoni ta’ flus elettroniċi.
(4) ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).
(6) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(7) COM (2020) 592 final tal-24 ta’ Settembru 2020.
(8) COM (2021) 32 final tad-19 ta’ Jannar 2021.
(9) COM (2021) 645 final tad-19 ta’ Ottubru 2021.
(10) ĠU C 220, 9.6.2021, p. 72.
(11) ĠU C 341, 24.8.2021, p. 41.
(12) https://www.europeanpaymentscouncil.eu/what-we-do/sepa-instant-credit-transfer
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/29 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ data b’rabta mas-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724”
(COM(2022) 571 final — 2022/0358 (COD))
(2023/C 146/05)
|
Relatur: |
Marinel Dănuț MURESAN |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 21.11.2022 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 1.12.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
27.1.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
190/0/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Ir-Regolament propost iwieġeb għas-sejħa mill-partijiet ikkonċernati onesti kollha biex is-suq tal-kiri fuq medda qasira ta’ żmien (short-term rental — STR) jiġi rregolat, u jkun konformi mar-Regolamenti l-oħra tal-UE. |
|
1.2. |
Il-Kumitat Ekonomliku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jirrakkomanda li l-mekkaniżmi proposti fir-Regolament jiġu implimentati bil-għan li tiġi żviluppata kompetizzjoni aktar ġusta għall-attivitajiet tal-STR u provvista aktar sikura u trasparenti tas-servizzi tal-STR li huma adattati għall-iskop tagħhom, u li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiġu attrezzati b’għodod effiċjenti biex jadattaw l-attivitajiet tal-STR għaċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet lokali f’diversi partijiet tal-UE. |
|
1.3. |
Ir-Regolament ma jispeċifikax min u x’għandu jiġi ddikjarat meta ssir ir-reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali, u hemm sitwazzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal:
|
|
1.3.1. |
Il-proċess ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali — b’format uniformi fil-livell tal-UE — jeħtieġ li jsir aktar sempliċi u flessibbli sabiex ikun faċli kemm jista’ jkun fis-sitwazzjonijiet kollha biex ikun hemm konformità mar-regoli, biex jiġi żgurat li d-data tiġi pproċessata kif suppost u b’mod effiċjenti u biex jiġi żgurat li jitħarsu r-regoli; dan se jgħin biex jiġu evitati każijiet ta’ ospitanti li jevitaw li jirreġistraw fil-punt ta’ dħul uniku diġitali. |
|
1.4. |
Il-KESE jipproponi li fir-Regolament, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u/jew lokali jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt perjodiċi dwar l-attivitajiet tal-STR, fir-rigward:
|
|
1.4.1. |
Dan se jippermetti lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni fi żmien xieraq u jevitaw li sitwazzjonijiet jilħqu punt ta’ kriżi. |
|
1.5. |
Ir-Regolament ma jimponix kriterji ta’ awtorizzazzjoni fuq l-awtoritajiet nazzjonali u lokali wara r-reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali: jagħtihom il-flessibilità biex ifasslu dawn il-kriterji għas-sitwazzjoni lokali, iżda jirrakkomanda li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tevita li timponi restrizzjonijiet artifiċjali u xxekkel l-operat normali tal-attivitajiet tal-STR. Aħna nħossu li sistema ta’ poloz tal-assigurazzjoni maħruġa mill-ospitanti għall-unitajiet tagħhom li tkopri l-biċċa l-kbira tar-riskji li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-STR tista’ tissostitwixxi r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni, billi l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jivverifikaw li l-ospitanti jikkonformaw mar-regoli meta jevalwaw il-polza. |
|
1.6. |
Ir-Regolament mhuwiex strett iżżejjed fir-rigward tal-informazzjoni li l-ospitanti jridu jipprovdu meta jirreġistraw fir-reġistru diġitali nazzjonali jew li l-pjattaformi jridu jirrapportaw lill-awtoritajiet. Għalhekk, approċċ standardizzat immexxi mill-istituzzjonijiet Ewropej, kif speċifikat, fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni meħtieġ għall-attivitajiet kollha tal-STR jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jieħdu deċiżjonijiet f’konformità mal-interessi tal-komunitajiet ikkonċernati, jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet, isaħħaħ il-livell ta’ konformità mar-regoli u jippermetti lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni adegwata abbażi ta’ analiżijiet fil-livell tal-UE u dak lokali. |
|
1.7. |
Madankollu, aħna nipproponu li l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u/jew lokali jimmonitorjaw l-impatt tal-attivitajiet tal-STR, fir-rigward:
|
|
1.7.1. |
Il-proposta se twitti t-triq għal diskussjoni miftuħa dwar dawn l-isfidi, li jistgħu jkunu biss ta’ vantaġġ għal dawk kollha involuti fl-attivitajiet tal-STR. Il-miżuri meħuda mhux se jfixklu s-suq jew jirriżultaw f’għadd sinifikanti ta’ nies li jevitaw il-konformità mar-regoli, u l-komunità lokali se ttejjeb direttament l-integrazzjoni bla xkiel tal-STRs. |
|
1.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li dan ir-Regolament jirrikjedi li l-pjattaformi online jipprovdu lill-klijenti b’informazzjoni rilevanti dwar ir-reġistrazzjoni tal-ospitant fir-reġistru diġitali nazzjonali jew bi preżentazzjoni ġenerali tal-unità, kif ukoll b’informazzjoni dwar il-livell ta’ responsabbiltà tal-ospitanti u tal-pjattaforma, il-miżuri meħuda biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sikurezza għall-klijenti, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-klijenti kemm fl-unità kif ukoll f’żoni pubbliċi, u diversi tradizzjonijiet lokali li huma importanti għall-atturi kollha tas-suq, għall-komunità u għall-awtoritajiet lokali. |
|
1.9. |
Ir-Regolament jistipula li se jiġi implimentat fil-livell nazzjonali sentejn wara li jiġi adottat. Aħna nħossu li se jkun ħafna aktar faċli li tiġi stabbilita pjattaforma online wara dak il-perjodu minħabba l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li l-ġbir manwali tad-data ma jibqax aktar meħtieġ. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li l-ġbir manwali tad-data jsir fakultattiv għall-amministraturi tal-pjattaformi online li joperaw bħala negozji, intrapriżi mikro u żgħar. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stipulat li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jridu jimmonitorjaw il-konformità mar-rapportar/it-trażmissjoni tad-data mill-pjattaformi kollha li jaġixxu bħala intermedjarji għas-servizzi tal-STR jew li jiffaċilitaw dawn is-servizzi, u jiġu infurzati penali f’każ ta’ nuqqas ta’ rapportar ta’ data jew rapportar ta’ data mhux preċiża min-naħa tal-amministraturi tal-pjattaformi online jew tipi oħra ta’ pjattaformi li jiffaċilitaw is-servizzi tal-STR. |
|
1.10. |
Il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament jistipula li l-istituzzjonijiet tal-UE se jinfurmaw lill-partijiet ikkonċernati kollha tal-STR, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, dwar kwalunkwe avveniment kbir li jkun għaddej jew antiċipat relatat mal-attivitajiet tal-STR li jista’ jkollu impatt fuq l-ekonomija, is-soċjetà, l-ambjent jew is-sikurezza pubblika ta’ oqsma speċifiċi. Dan jgħin biex tittieħed azzjoni fi żmien xieraq, billi jiġu evitati avvenimenti serji u dannużi (bħal kriżijiet ekonomiċi, kriżijiet soċjali kbar, inkwiet soċjali kbir, żieda fil-faqar u fil-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, impatt kbir fuq l-ambjent jew impatt fuq is-saħħa pubblika) jew kwalunkwe avveniment ieħor li jġiegħel lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni li taffettwa l-attivitajiet tal-STR. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-kirjiet ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien qed jiżdiedu b’mod rapidu fl-UE, fil-biċċa l-kbira xprunati mill-ekonomija tal-pjattaformi. Dawn jirrappreżentaw madwar kwart tal-akkomodazzjoni turistika kollha fl-UE, bl-għadd ta’ proprjetajiet bħal dawn jiżdied b’mod sinifikanti madwar l-UE kollha. Din il-Proposta tal-Kummissjoni hija element ewlieni tal-Perkors ta’ Tranżizzjoni għat-Turiżmu, ippubblikat fi Frar 2022. Dan tħabbar fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-SMEs ta’ Marzu 2020, bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ibbilanċjat u responsabbli tal-ekonomija kollaborattiva fis-suq uniku. |
|
2.2. |
Il-qafas il-ġdid propost għandu l-għan li:
|
|
2.3. |
Ir-Regolament propost huwa konsistenti ma’ strumenti legali oħra:
u jaqa’ taħt ir-regoli tad-Direttiva DAC7 (1). |
|
2.4. |
Ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi qafas armonizzat u uniformi għal servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien fir-rigward tal-ġenerazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni tad-data madwar l-Unjoni Ewropea, biex tiġi evitata proliferazzjoni ta’ rekwiżiti u talbiet diverġenti tad-data fis-suq uniku. |
|
2.5. |
Ir-Regolament propost jappoġġja wkoll il-pjattaformi online f’termini ta’ standardizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u trażmissjoni tad-data u l-iżgurar li d-data skambjata tkun interoperabbli, billi jinħoloq qafas armonizzat u jitnaqqsu l-frammentazzjoni, l-ambigwitajiet semantiċi u l-piżijiet amministrattivi. |
|
2.6. |
Ir-Regolament jirrikjedi li l-ospitanti jirreġistraw minn qabel fir-reġistru diġitali nazzjonali, li se jgħin lill-klijenti tal-pjattaformi tal-STR online jaċċessaw informazzjoni aktar trasparenti u preċiża, iżidu ċ-ċertezza legali tas-servizzi nnegozjati, jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni utli u jikkontribwixxu għall-ġestjoni bla xkiel ta’ tali servizzi f’oqsma differenti. |
|
2.7. |
Dan ir-Regolament jipprovdi qafas komuni fil-livell tal-UE għall-ipproċessar tal-informazzjoni u tad-data, filwaqt li jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali bit-traċċabbiltà tad-data li jeħtieġu sabiex jiżviluppaw u jżommu r-regoli dwar l-STR u jikkonformaw mar-regoli u jadottaw risponsi ta’ politika infurmati, f’konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. |
|
2.8. |
Ir-Regolament iqis id-diffikultajiet finanzjarji u amministrattivi li l-intrapriżi mikro u żgħar li joperaw pjattaformi online jistgħu jiltaqgħu magħhom fl-adattament ta’ dawn il-pjattaformi għar-rekwiżiti tar-Regolament relatat mal-interoperabbiltà awtomatika tal-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li jipprovdi soluzzjonijiet alternattivi li ma jinvolvux kostijiet sinifikanti. |
3. Kummenti ġenerali u speċifiċi
|
3.1. |
Ir-Regolament jikkonforma mar-Regolamenti tal-UE elenkati; huwa jappoġġja l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni aktar ġusta u bbilanċjata f’dan is-settur tan-negozju importanti u dinamiku u jimponi livell aktar adegwat ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali (tat-taxxa) min-naħa tal-fornituri kollha tas-servizzi fis-suq tal-STR (ospitanti), filwaqt li jkompli jixpruna l-iżvilupp ta’ diversi negozji fl-UE. |
|
3.2. |
L-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali jridu jimmonitorjaw u jirregolaw dan is-settur li qed jevolvi b’mod kostanti, sabiex l-attivitajiet tas-servizzi tal-STR jiġu integrati bla xkiel fl-ambjent kollu, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv għall-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent tan-negozju lokali f’konformità mat-tassonomija soċjali. |
|
3.3. |
Ir-Regolament ma jimponix kriterji ta’ awtorizzazzjoni speċifiċi fuq l-awtoritajiet nazzjonali u lokali: jagħtihom libertà biex ifasslu dawn il-kriterji għas-sitwazzjoni lokali, u jippermetti għas-suq lokali tal-kera, is-sitwazzjoni soċjali ġenerali, ir-relazzjoni mar-residenti lokali u kwistjonijiet ambjentali u kummerċjali fid-distretti kkonċernati. Madankollu, dan jirrakkomanda li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tevita li timponi restrizzjonijiet artifiċjali u tfixkel l-operat normali tal-attivitajiet tal-STR. |
|
3.3.1. |
Ir-Regolament mhuwiex strett iżżejjed fir-rigward tal-informazzjoni li l-ospitanti jridu jipprovdu meta jirreġistraw fir-reġistru diġitali nazzjonali jew li l-pjattaformi jridu jirrapportaw lill-awtoritajiet. Dan ifisser li hemm kemm opportunitajiet kif ukoll riskji għall-awtoritajiet nazzjonali u lokali f’termini ta’ kif jimmaniġġjaw il-volum ta’ data miksuba mill-ospitanti meta jirreġistraw u jkunu awtorizzati joperaw u minn pjattaformi meta jirrapportaw id-data meħtieġa. Din id-data trid tintuża b’mod effiċjenti, mingħajr ma jiġu mminati l-iżvilupp u l-operat tal-attivitajiet tal-STR. Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-livell ta’ informazzjoni meħtieġ jiġi standardizzat, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni vitali tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet. |
|
3.4. |
L-istituzzjonijiet Ewropej, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali, jenħtieġ li jirregolaw il-kundizzjonijiet biex l-attivitajiet tal-STR joperaw u jiżviluppaw, filwaqt li jrawmu l-konformità ma’ tassonomija soċjali, ekonomika, ta’ protezzjoni ambjentali, u ta’ konservazzjoni tas-sit u tan-natura biex jiżguraw li l-attivitajiet tal-STR jiġu integrati mingħajr xkiel fiż-żona lokali. |
|
3.5. |
Peress li l-klijentela ta’ dawn il-pjattaformi hija magħmula minn ċittadini tal-UE u mhux tal-UE li jivvjaġġaw għal diversi raġunijiet minbarra t-turiżmu, huwa importanti li l-introduzzjoni ta’ dan ir-Regolament tippromovi u żżomm kundizzjonijiet ekwi bi prezzijiet raġonevoli u firxa bbilanċjata ta’ akkomodazzjoni (inklużi forom tradizzjonali bħal lukandi, stabbilimenti li joffru sodda u kolazzjon, u ħostels, u forom mhux tradizzjonali bħal ospitanti privati), mingħajr ma titnaqqas il-provvista tal-STRs jew tagħmel din l-akkomodazzjoni aktar għalja. |
|
3.6. |
Dan ir-Regolament għandu jirrikjedi li kwalunkwe regola speċifika addizzjonali jew ta’ konformità introdotta mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tiġi imposta fuq l-ospitanti gradwalment u fil-ħin. Dan jevita t-tnaqqis tal-provvista tal-STRs fis-swieq rispettivi u jiżgura li din il-provvista ma titmexxiex lejn forom inqas uffiċjali ta’ STRs, li jaffettwaw is-suq tal-impjiegi diretti u indiretti ġġenerati mill-STRs, in-negozji tal-STR infushom u n-negozji relatati f’dan is-settur, u l-konformità volontarja tal-ospitanti mar-rekwiżiti legali. |
|
3.7. |
L-iżvilupp rapidu tat-turiżmu u ta’ pjattaformi online speċifiċi ħoloq opportunitajiet ġodda għall-ospitanti u għall-klijenti u t-turisti. Madankollu, flimkien mal-opportunitajiet kbar ta’ negozju għall-komunitajiet ikkonċernati, dan wassal ukoll għal għadd ta’ sfidi:
|
|
3.7.1. |
Il-KESE huwa mħasseb dwar din is-sitwazzjoni li nqalgħet f’ċerti partijiet tal-UE u huwa konxju li dan mhuwiex l-għan tar-Regolament propost mill-Kummissjoni. Il-KESE jitlob li dawn l-aspetti ċiviċi u soċjali ewlenin jiġu inklużi fir-regoli. |
|
3.8. |
Il-KESE jirrimarka li r-Regolament ma jispeċifikax min u x’għandu jiġi ddikjarat meta ssir ir-reġistrazzjoni fir-reġistru diġitali nazzjonali, u li hemm sitwazzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal:
|
|
3.8.1. |
Dawn il-punti kollha jridu jiġu ċċarati minn qabel u l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet responsabbli għall-operat u l-ġestjoni tar-reġistru diġitali nazzjonali. Dan se jiżgura li l-informazzjoni tiġi pproċessata kif suppost u b’mod effiċjenti, li r-regoli jiġu rrispettati u li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tkun konsistenti kemm jista’ jkun, b’implimentazzjoni uniformi madwar l-UE. |
|
3.9. |
Madankollu, il-KESE jinnota li r-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiddeċiedu dwar il-kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-unitajiet tal-STR. Dan jista’ jkun effiċjenti u jiżgura li l-kriterji jkunu tajbin għal ċirkostanzi lokali speċifiċi, u jiġi evitat li l-awtoritajiet jorbtu l-proċess ta’ awtorizzazzjoni f’wisq burokrazija. |
|
3.10. |
Ir-Regolament ma jistabbilixxix rekwiżiti speċifiċi għall-pjattaformi online fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-klijenti dwar l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni jew mill-ospitanti jew dwar il-livell ta’ responsabbiltà tad-diversi partijiet, u lanqas ma jispeċifika r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li trid tiġi żvelata lill-klijenti rigward il-kundizzjonijiet li japplikaw meta jikru l-unità — ir-Regolament iħalli f’idejn il-pjattaforma jew l-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet. Livell uniformi ta’ konformità li jiżgura li l-klijenti jiġu pprovduti b’informazzjoni utli dwar l-akkomodazzjoni, dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza u dwar ir-responsabbiltà tad-diversi partijiet u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-klijenti kemm fl-unità tal-akkomodazzjoni kif ukoll f’żoni pubbliċi jkun utli għall-parteċipanti fis-suq, għaż-żona lokali u għall-awtoritajiet lokali. |
|
3.11. |
Ir-Regolament jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u mhux se jiġi implimentat fil-livell nazzjonali qabel sentejn oħra. Aħna nħossu li se jkun ħafna aktar faċli li tiġi stabbilita pjattaforma online wara dak il-perjodu minħabba l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-data, filwaqt li l-ġbir manwali tad-data ma jibqax aktar meħtieġ. Konsegwentement, permezz ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi rrakkomandat li l-ġbir manwali tad-data jsir fakultattiv għall-amministraturi tal-pjattaformi online li joperaw bħala negozji, intrapriżi mikro u żgħar, u li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jimmonitorjaw il-konformità mar-rapportar/it-trażmissjoni tad-data mill-pjattaformi kollha li jaġixxu bħala intermedjarji għas-servizzi tal-STR jew li jiffaċilitaw dawn is-servizzi. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 tat-22 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, p. 1) estendiet il-qafas tal-UE dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni. L-Istati Membri kellhom jinkorporaw din id-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Jannar 2022 u jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda mill-1 ta’ Jannar 2023.
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/35 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tal-ilma mormi urban”
(COM(2022) 541 final — 2022/0345 (COD))
(2023/C 146/06)
|
Relatur: |
Stoyan TCHOUKANOV |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 19.1.2023 Kunsill, 24.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.2.2023 |
|
Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
198/1/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jappoġġja l-viżjoni tal-Kummissjoni li r-regoli tal-UE dwar l-ilma urban mormi jiġu aġġornati u jkunu lesti għall-għoxrin sena li ġejjin mhux biss billi jiġi indirizzat it-trattament tal-ilma mormi, iżda wkoll l-aspetti tal-enerġija u tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll biex tittejjeb il-governanza. |
|
1.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-ilma nadif bħala riżorsa strateġika biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-soċjetà tagħna u ekonomija tal-UE reżiljenti, kif ukoll għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u għalhekk jemmen li dan għandu jiġi indirizzat bl-attenzjoni dovuta. Madwar 60 % tad-distretti tal-baċini tax-xmajjar tal-UE huma transkonfinali u jeħtieġu kooperazzjoni transkonfinali. Id-diżastru ekoloġiku reċenti tax-xmara Oder għandu jintuża bħala eżempju ta’ twissija ta’ kooperazzjoni falluta u nuqqas ta’ trasparenza. |
|
1.3. |
Il-KESE huwa tal-fehma li, l-ewwel u qabel kollox, it-tniġġis għandu dejjem jiġi indirizzat f’ras il-għajn, iżda jirrikonoxxi t-trattament tal-ilma urban mormi bħala l-aħħar filtru importanti għall-protezzjoni tal-ilmijiet riċeventi b’benefiċċji għall-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u s-soċjetà. |
|
1.4. |
Il-mikrosustanzi niġġiesa, bħar-residwi farmaċewtiċi, qed isiru dejjem aktar ta’ tħassib għall-kwalità tal-ilma. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta għal impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi magħżula biex jiġu installati trattamenti addizzjonali għat-tneħħija tagħhom u jenfasizza l-ħtieġa ta’ sforzi konsiderevoli biex “jitkisser” l-istandard qadim permezz ta’ metodi innovattivi ġodda ta’ trattament. |
|
1.5. |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u tiġi żgurata l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta għal Responsabbiltà Estiża tal-Produttur li tirrikjedi li l-produtturi jkopru l-ispiża tat-tneħħija tal-mikrosustanzi niġġiesa li jirriżultaw mill-prodotti tagħhom mill-ilma mormi, iżda biex din tkun effiċjenti l-eżenzjonijiet iridu jkunu strettament limitati. |
|
1.6. |
Jekk id-Direttiva tiġi estiża biex tkopri agglomerazzjonijiet minn 1 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni jrid ikun hemm lok għal soluzzjonijiet deċentralizzati permezz ta’ impjanti żgħar b’attenzjoni speċjali fir-rigward tal-funzjonalità. |
|
1.7. |
It-tifwir tad-drenaġġ huwa hotspot għat-tniġġis, inklużi ġeni ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi, mikroplastiċi u sustanzi tossiċi li jqiegħdu f’riskju l-ħajja akkwatika, is-saħħa tal-bniedem u l-istat tal-ilmijiet tar-rikreazzjoni. Id-Direttiva għandha tintroduċi limitu fuq l-okkorrenza tagħhom u r-rappurtar lill-pubbliku għandu jagħti l-istampa sħiħa tat-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa li tinġarr mit-tifwir. L-ilma tax-xeba’ urban, fil-forma ta’ ilma tax-xita mniġġes (inkluża l-borra) mill-pajsaġġ urban, eż. it-toroq, għandu jinġabar u ttrattat b’mod adegwat qabel ma jkun skarikat fl-ilma riċeventi. |
|
1.8. |
It-tibdil fil-klima qed jaffettwa ċ-ċiklu tal-ilma, b’żieda mbassra ta’ okkorrenzi ta’ xita qawwija u ta’ nixfa. Miżuri preventivi, bħal soluzzjonijiet fl-ambjent urban li jinkorporaw sistemi naturali (l-hekk imsejħa blue-green solutions) li jaqbdu u jaħżnu l-ilma tax-xita eż. permezz ta’ soqfa ħodor jew ġonna tax-xita, inaqqsu t-tagħbija fuq id-drenaġġ (u b’hekk inaqqsu r-riskju ta’ tifwir tad-drenaġġ) u jġibu ħafna kobenefiċċji għall-pajsaġġ urban. |
|
1.9. |
Il-KESE jinsab imħasseb li l-ilma u s-sanità huma servizzi pubbliċi, iżda xi drabi jiġu pprovduti minn kumpaniji privati. Jeħtieġ li jkun hemm regoli u regolamenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi ma jitmexxewx għall-profitt u li d-dħul jiġi investit fil-manutenzjoni u t-titjib tas-servizzi. |
|
1.10. |
Il-KESE jenfasizza li l-ilma huwa riżorsa vitali iżda qed issir dejjem aktar skarsa. Żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej iqisu l-kwalità u/jew il-kwantità tal-ilma f’pajjiżhom bħala problema serja (1). Għal implimentazzjoni b’suċċess tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 6 “l-iżgurar tal-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd” u biex jiġu evitati kriżijiet futuri, dan it-tħassib jeħtieġ li jiġi indirizzat bl-urġenza dovuta. L-iżgurar tal-affordabbiltà tal-ilma jenħtieġ li jkun prijorità għall-Istati Membri kollha. |
|
1.11. |
Il-KESE jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet, biex jiġu ppreservati r-riżorsi tal-ilma u biex l-isfidi relatati jiġi ġestiti b’mod adegwat permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma. Il-KESE se jagħmel proposti konkreti fir-rigward ta’ Patt Blu tal-UE matul l-2023. |
2. Proposta tal-Kummissjoni
|
2.1. |
Qed ikun propost li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġi estiż biex ikopri agglomerazzjonijiet minn 1 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni li jfisser li bliet żgħar se jkunu obbligati wkoll jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi, u jistgħu jfittxu finanzjament mill-UE biex jagħmlu dan. Il-Kummissjoni se tiżviluppa standards ġodda għall-faċilitajiet deċentralizzati u l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw monitoraġġ u spezzjoni aħjar ta’ faċilitajiet bħal dawn. |
|
2.2. |
It-tifwir tad-drenaġġ u l-ilma tax-xeba’ urban ġew identifikati bħala sorsi importanti li fadal ta’ ilma urban mormi mhux trattat u l-Istati Membri se jkunu mitluba jistabbilixxu pjani integrati ta’ ġestjoni għall-ilma urban mormi biex jitnaqqas it-tniġġis minn dawn is-sorsi. Għandha tingħata prijorità lill-miżuri preventivi, bħas-soluzzjonijiet fl-ambjent urban li jinkorporaw sistemi naturali (l-hekk imsejħa blue-green solutions), u l-ottimizzazzjoni tas-sistemi eżistenti bl-użu ta’ tekniki diġitali. |
|
2.3. |
Biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-nutrijenti, se jiġu introdotti limiti ġodda għat-tneħħija tan-nitroġenu u tal-fosforu, bħala l-ewwel pass għal faċilitajiet akbar, ’il fuq minn 100 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni, u mbagħad għal faċilitajiet ta’ daqs medju,‘il fuq minn 10 000 ekwivalenza ta’ popolazzjoni, f’żoni fejn l-ewtrofikazzjoni għadha problema. Se jkun hemm ukoll rekwiżit biex jitneħħew il-mikrosustanzi niġġiesa għall-impjanti kollha ta’ daqs kbir u medju fejn l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem jinsabu f’riskju. Bil-għan li titnaqqas it-tagħbija ta’ sustanzi li ma jistgħux jiġu ttrattati, li se jtejbu l-possibbiltajiet għaċ-ċirkolarità, hemm obbligi ġodda għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-iskariki mhux domestiċi fid-drenaġġ f’ras il-għajn. |
|
2.4. |
Biex tiġi koperta l-ispiża tal-aġġornament u l-monitoraġġ meħtieġa biex jitneħħew il-mikrosustanzi niġġiesa, u biex jiġi inċentivat l-iżvilupp ta’ prodotti aktar ekoloġiċi, se tiġi introdotta Responsabbiltà Estiża tal-Produttur li tirrikjedi li l-produtturi ta’ farmaċewtiċi u prodotti li jaqgħu taħt ir-regoli tal-UE dwar il-kożmetiċi jikkontribwixxu finanzjarjament. |
|
2.5. |
Ġiet introdotta mira ġdida ta’ newtralità enerġetika għas-settur tal-ilma mormi sal-2040, li jfisser li l-enerġija kkunsmata mis-settur fil-livell nazzjonali għandha tkun ekwivalenti għall-ammont ta’ enerġija rinnovabbli li dan jipproduċi. |
|
2.6. |
Il-proposta tistabbilixxi l-2040 bħala l-iskadenza għall-konformità sħiħa, bi skadenzi interim biex jiġi żgurat il-progress. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
L-ilma nadif huwa wieħed mill-aktar riżorsi prezzjużi li għandna, kruċjali għall-funzjonament tal-ekosistemi u s-soċjetà tagħna kif ukoll għall-attività soċjoekonomika. L-agrikoltura, il-produzzjoni tal-enerġija, u s-settur tat-turiżmu huma lkoll dipendenti ħafna fuq l-aċċess għal ilma nadif. In-Nazzjonijiet Uniti jirrikonoxxu l-aċċess għall-ilma nadif u s-sanità bħala ħtieġa bażika tal-bniedem għas-saħħa u l-benesseri fost l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (2). Madankollu, l-ilma ħelu jinsab taħt pressjoni minn firxa ta’ attivitajiet, u din il-pressjoni hija mbassra li tiżdied b’segwitu għat-tibdil fil-klima. |
|
3.2. |
Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi hija l-parti ewlenija tal-leġiżlazzjoni tal-UE li għandha l-għan li tħares l-ambjent mill-impatti negattivi tal-ilma mormi mhux trattat. Id-Direttiva ilha fis-seħħ għal aktar minn 30 sena u mill-adozzjoni tagħha ’l hawn, il-kwalità tax-xmajjar, il-lagi u l-ibħra Ewropej tjiebet b’mod sinifikanti, minkejja l-fatt li żewġ terzi tal-ilma tal-wiċċ għadhom mhumiex fi stat tajjeb. Il-pajjiżi tal-UE stabbilew sistemi ta’ ġbir u impjanti tat-trattament tal-ilma mormi bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE. Hemm livell għoli ta’ konformità mad-Direttiva fl-UE kollha, bi 98 % tal-ilma mormi miġbur u 92 % trattat b’mod sodisfaċenti, skont il-kopertura attwali tad-Direttiva. |
|
3.3. |
Ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa għandha l-potenzjal li taġġorna d-Direttiva billi tindirizza s-sorsi li fadal ta’ ilma mormi mhux trattat u sustanzi niġġiesa ġodda, kif ukoll ittejjeb l-aspetti tal-enerġija u tal-ekonomija ċirkolari tat-trattament tal-ilma mormi f’konformità mal-Patt Ekoloġiku u d-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa. Madankollu, il-KESE jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinkludu l-ilma mormi f’viżjoni akbar, jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet, biex jiġu ppreservati r-riżorsi tal-ilma u biex l-isfidi relatati jiġi ġestiti b’mod adegwat permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma. Il-KESE se jagħmel proposti konkreti fir-rigward ta’ Patt Blu tal-UE matul l-2023. |
|
3.4. |
Fis-settur tal-ilma huma meħtieġa investimenti kbar. L-OECD stmat li l-Istati Membri kollha minbarra l-Ġermanja jeħtieġ li jżidu l-infiq b’mill-inqas 25 % biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva eżistenti (3). Madankollu, din l-istima ma tqisx l-ispiża tal-manutenzjoni tad-drenaġġ. Ir-regoli l-ġodda se jirrikjedu investimenti addizzjonali u huwa kruċjali li l-finanzjament jitwessa’ mit-tariffi tal-ilma u mill-baġit pubbliku biex jinkludi wkoll dawk is-setturi li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-ilma urban mormi sabiex l-aċċess għall-ilma u s-sanità jinżamm affordabbli għall-unitajiet domestiċi. |
|
3.5. |
It-trattament tal-ilma mormi għandu prezz u jeħtieġ input fil-forma ta’ riżorsi u enerġija. It-tniġġis għandu dejjem l-ewwel u qabel kollox jiġi indirizzat f’ras il-għajn u jingħata prijorità fuq soluzzjonijiet fil-punt tar-rimi. Għalhekk, l-ewwel nett, il-miżuri ta’ politika għandhom, sa fejn ikun possibbli, jillimitaw l-emissjoni ta’ sustanzi ta’ ħsara fl-ambjent u fis-soċjetà. It-trattament tal-ilma urban mormi jaġixxi bħala l-aħħar filtru biex iħares l-ilmijiet riċeventi u biex jintlaħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma. Għalhekk, il-KESE qed jappella għal aktar sinerġija mal-istrateġiji tal-iżvilupp urban (Aġenda Urbana tal-UE, il-Ftehim ta’ Ljubljana, sħubijiet tematiċi differenti, eċċ.). |
|
3.6. |
Għandhom isiru aktar sforzi biex jiffavorixxu l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġbir, it-trattament u l-ġestjoni tal-ilma urban mormi. Il-pubbliku ġenerali m’għandux ikun involut biss fl-implimentazzjoni tat-trattament tal-ilma mormi f’termini ta’ informazzjoni iżda wkoll f’termini ta’ parteċipazzjoni: għandu jkun hemm mekkaniżmi fl-Istati Membri kollha biex iċ-ċittadini jirrappurtaw nuqqasijiet osservati fil-ġbir u/jew it-trattament tal-ilma urban mormi, b’attenzjoni speċifika mogħtija għall-iskariki industrijali illegali. |
|
3.7. |
Hemm potenzjal kbir biex l-Ewropa ssir mexxej fl-għoti ta’ soluzzjonijiet għas-settur tat-trattament tal-ilma mormi, minn teknoloġiji avvanzati ta’ trattament, għal soluzzjonijiet tal-enerġija. L-iżvilupp tas-settur tal-ilma mormi huwa possibbiltà għall-innovazzjoni u t-teknoloġija u opportunità biex jiġi esportat l-għarfien u jiġu attirati intraprendituri żgħażagħ. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
L-ilma urban mormi huwa impronta tas-soċjetà u tax-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni tagħna. Dan fih taħlita kumplessa ta’ skariki domestiċi, ilma tax-xeba’ mit-toroq u l-bini, u effluwenti industrijali u oħrajn mhux domestiċi li jeħtieġu trattament adegwat biex ma jkunux ta’ theddida għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jew jaffettwaw l-ilmijiet tar-rikreazzjoni. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema involuti fis-sistema tal-ilma urban mormi għandhom ikunu prijorità ewlenija. |
|
4.2. |
Il-mira ġenerali għall-2040 b’miri interim tistabbilixxi perkors ċar għat-trattament tal-ilma mormi għall-għoxrin sena li ġejjin. Madankollu, għandna fehim limitat tar-riskji għall-ħajja akkwatika b’riżultat tat-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi fl-ilmijiet tal-wiċċ, u ħafna minn dawn is-sustanzi kimiċi joriġinaw minn prodotti użati fi djarna stess. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-operat tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi jirriżultaw fi spiża għolja mil-lat finanzjarju u ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ partijiet ewlenin tad-Direttivi dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u dwar il-Ħama tad-Drenaġġ jippreżentaw l-opportunità biex tiġi mmodernizzata u mtejba l-koerenza fis-settur kollu, u jgħinu biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. |
|
4.3. |
Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija ta’ tħassib dejjem akbar għas-soċjetà, u l-ilma urban mormi, kemm jekk trattat kif ukoll jekk le, huwa hotspot għat-tixrid tiegħu (4). Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi mhix xprunata biss mill-użu eċċessiv tal-antibijotiċi, iżda wkoll minn aġenti antimikrobiċi oħra, bħall-fungiċidi, l-aġenti antivirali, il-parassitiċidi, kif ukoll xi diżinfettanti u antisettiċi, li kollha jintużaw fl-ambjent urban speċjalment fl-isptarijiet. Rapport tan-NU jwissi li jekk mhux se tittieħed azzjoni, bħat-trażżin tal-użu eċċessiv ta’ aġenti antimikrobiċi, 10 miljun persuna fis-sena huma mistennija li jmutu minn infezzjoni reżistenti għall-antibijotiċi sal-2050 (5). |
|
4.4. |
L-ilma tax-xeba’ urban huwa sors ewlieni għall-kontaminanti tossiċi, mhux bijodegradabbli u emerġenti biex jidħlu fl-ekosistemi akkwatiċi, inklużi l-iskart tal-plastik, l-idrokarburi, id-deterġenti, l-ormoni, is-solventi, il-patoġeni, il-pestiċidi, il-metalli tqal u n-nanomaterjali maħdumin (6). Minkejja t-tniġġis li fih, l-ilma tax-xeba’ urban ħafna drabi jiġi ttrattat bħala ilma tax-xita nadif minħabba nuqqas ta’ monitoraġġ u ma jiġix ittrattat qabel ma jiġi skarikat fl-ilmijiet riċeventi. Dan jirrappreżenta riskju kbir għall-ekosistemi; pereżempju, ġiet osservata mortalità akuta fis-salamun b’rabta ma’ sustanza tossika (6PPD-kinon) fit-tajers tal-karozzi (7). |
|
4.5. |
It-tifwir tad-drenaġġ huwa hotspot għall-mikrosustanzi niġġiesa, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (8), il-mikroplastiċi u l-iskart biex jidħlu fl-ilmijiet riċeventi. Dawn jirrappreżentaw theddida għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll għas-settur tat-turiżmu, li jiddependi fuq ilmijiet nodfa tar-rikreazzjoni. L-ammont ta’ ilma tax-xita li jitħallat mad-drenaġġ jista’ jitnaqqas bl-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet fl-ambjent urban li jinkorporaw sistemi naturali (l-hekk imsejħa blue-green solutions) li jżommu l-ilma u jħalluh jidħol fl-art, inklużi soqfa ħodor, tneħħija ta’ uċuħ impenetrabbli u ġonna tax-xita. Dawn mhumiex biss mod kosteffiċjenti biex jinżamm l-ilma tax-xita, iżda għandhom wkoll ħafna kobenefiċċji għall-pajsaġġ urban, inkluż it-tnaqqis tar-riskju għall-għargħar, it-tnaqqis tal-gżejjer tas-sħana, u ż-żieda fil-bijodiversità u l-benesseri fil-belt. Il-kisba tat-tranżizzjoni lejn trattament aktar effiċjenti tad-drenaġġ u tal-ekonomija ċirkolari ma teħtieġx biss bidliet fl-approċċi regolatorji u istituzzjonali, iżda wkoll fil-mod kif aħna bħala ċittadini napprezzaw ir-responsabbiltajiet individwali u kollettivi tagħna lejn il-ġestjoni tad-drenaġġ. |
|
4.6. |
Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ pjani obbligatorji għat-trattament tal-ilma urban mormi bl-objettiv li jitnaqqas it-tifwir tad-drenaġġ u t-tniġġis mill-ilma tax-xeba’ urban. Iżda filwaqt li l-intenzjoni tal-pjani għall-ġestjoni tal-ilma urban mormi hija tajba, hemm ir-riskju li dawn jitilfu l-valur tagħhom peress li l-kontenut u l-objettiv (li jitnaqqas it-tifwir ikkombinat tad-drenaġġ għal 1 % tal-fluss tal-ilma mormi f’sistema tad-drenaġġ waqt temp xott) huma biss indikattivi. Il-ġestjoni adegwata tal-ilma tax-xita mhux kruċjali biss biex jiġi evitat it-tniġġis tal-ilmijiet riċeventi, iżda wkoll biex il-bliet jiġu adattati għal klima li qed tinbidel fejn kemm l-avvenimenti qawwijin ta’ xita kif ukoll mewġiet ta’ sħana fit-tul se jkunu parti min-normalità l-ġdida, peress li l-avvenimenti estremi tat-temp u perikli klimatiċi oħra qed jiżdiedu fil-frekwenza u s-severità fl-Ewropa kollha. |
|
4.7. |
Intwera li trattament avvanzat (“kwaternarju”) inaqqas it-tagħbija ta’ firxa wiesgħa ta’ sustanzi perikolużi għall-ilmijiet riċeventi (9). Għalhekk, ir-rekwiżiti l-ġodda għal impjanti kbar u ta’ daqs medju magħżula biex jimmonitorjaw u jneħħu l-mikrosustanzi niġġiesa huma milqugħa tajjeb. Madankollu, għandha tingħata attenzjoni għall-ispejjeż u l-effetti tat-tneħħija miksuba minn tekniki differenti, bħall-ożonazzjoni jew il-karbonju attivat. Finanzjament adegwat għar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda u skemi ta’ edukazzjoni armonizzati tal-UE għall-persunal operattiv se jgħinu fil-prevenzjoni u t-trattament tas-sustanzi niġġiesa l-ġodda. |
|
4.8. |
L-introduzzjoni tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur hija pass kbir ’il quddiem għall-prinċipju ta’ min Iniġġes iħallas u tweġiba pożittiva għas-sejba mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li l-ispiża tat-tniġġis għadha fil-biċċa l-kbira mġarrba mill-kontribwenti (10). Din hija wkoll konformi mal-integrazzjoni tal-PPP fil-leġiżlazzjoni ambjentali, issaħħaħ ir-reġim tar-responsabbiltà ambjentali fil-livell tal-UE, u tħares aħjar il-fondi tal-UE milli jintużaw biex jiffinanzjaw proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati minn min iniġġes. |
|
4.9. |
L-ewtrofikazzjoni għadha problema fl-UE, b’aktar minn 30 % tax-xmajjar, il-lagi u l-ilmijiet kostali u 81 % tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE affettwati u ftit li xejn sar progress matul l-aħħar għaxar snin (11). Għalhekk huwa pożittiv li d-dispożizzjonijiet ġew aġġornati u armonizzati biex jiġi żgurat li l-impjanti l-kbar kollha jkollhom inaqqsu n-nutrijenti sal-2035, u l-impjanti medji li jiskarikaw f’żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni sal-2040. Għalkemm l-iskadenzi huma ambizzjużi ħafna fir-rigward tal-isfidi u l-implimentazzjoni tagħhom, il-kapaċità ta’ investiment tas-settur u l-ħajja tal-assi eżistenti, ħafna Stati Membri diġà għandhom dawn ir-rekwiżiti għat-tneħħija tan-nutrijenti fis-seħħ u l-KESE jilqa’ l-armonizzazzjoni fl-UE kollha. |
|
4.10. |
Fl-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi ġew identifikati agglomerazzjonijiet żgħar bħala li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-bqija tas-sorsi ta’ ilma mormi mhux ittrattat u li jeżerċitaw pressjoni fuq il-korpi tal-ilma (12). Filwaqt li jkun pożittiv jekk jiġi ttrattat aktar ilma mormi, il-proposta ġġib magħha diversi sfidi, peress li l-kostruzzjoni ta’ pajpijiet tad-drenaġġ ġodda tirrappreżenta spiża sinifikanti f’żoni skarsament popolati u jeħtieġ li titwettaq b’appoġġ finanzjarju intensiv. Għandhom jiġu promossi soluzzjonijiet deċentralizzati u sistemi individwali li jiffunzjonaw tajjeb. It-tojlits nexfin (għall-ikkompostjar) inaqqsu l-konsum tal-ilma tax-xorb għall-ifflaxxjar u jistgħu jippromovu l-ekonomija ċirkolari billi jirritornaw l-eskrementi tal-bniedem fil-ħamrija mingħajr sistemi kumplessi, għaljin u intensivi fl-enerġija għall-ġbir, l-ippumpjar u t-trattament. Id-WHO żviluppat linji gwida għall-użu mill-ġdid sikur tal-ilma mormi, tal-eskrementi u tal-ilma griż (13). |
|
4.11. |
Ħafna drabi, it-tnixxija mill-pajpijiet tad-drenaġġ hija sors injorat u fil-biċċa l-kbira mhux irrappurtat ta’ ilma mormi mhux ittrattat li jpoġġi f’riskju l-ilma ta’ taħt l-art. Dan jista’ jirrappreżenta sehem sinifikanti tat-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa minn sistemi urbani fuq l-ambjent (14). Il-problema x’aktarx li tiżdied minħabba li n-network tad-drenaġġ ikun qed jiqdiem. Monitoraġġ u kwantifikazzjoni adegwata tat-tnixxija tad-drenaġġ huma meħtieġa u għandhom jiġu inklużi bħala rekwiżit fid-Direttiva. |
|
4.12. |
It-trattament tal-ilma mormi jeħtieġ ammonti konsiderevoli ta’ enerġija u ħafna drabi jista’ jammonta għal sehem sinifikanti tal-kontijiet tal-elettriku tal-muniċipalitajiet. Fl-istess ħin, l-ilma mormi fih enerġija f’diversi forom, inklużi dawk kimiċi, kinetiċi u termali, li jenħtieġ li jkunu sfruttati biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili f’konformità mal-objettivi tal-UE. Huwa pożittiv li l-effiċjenza enerġetika qed tiġi indirizzata bil-għan li tintlaħaq in-newtralità enerġetika għas-settur sal-2040. |
|
4.13. |
Is-settur tal-ilma mormi għandu potenzjal kbir biex isir fabbriki tar-riżorsi. Fl-UE diġà hemm impjanti b’enerġija pożittiva tat-trattament tal-ilma mormi bis-saħħa ta’ teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, eż. permezz tad-diġestjoni anaerobika tal-ħama tad-drenaġġ u l-użu sussegwenti tal-bijogass prodott (15). Potenzjal ieħor huwa l-użu doppju taż-żoni tal-istruttura tat-trattament billi dawn jiġu koperti b’impjanti fotovoltajċi, li għandhom jiġu promossi. |
|
4.14. |
Fl-UE għaxar miljun persuna għad m’għandhomx aċċess għas-sanità. Għalhekk jilqa’ l-fatt li l-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati u emarġinati, u jipprovdu tojlits pubbliċi mingħajr ħlas sal-2027. Madankollu, ir-rekwiżit għandu jissaħħaħ billi l-Istati Membri jintalbu jiżguraw aċċess għas-sanità għal kulħadd fi stadju bikri tal-ippjanar urban u jikkunsidraw l-affordabbiltà u l-aspett soċjali tas-servizzi tal-ilma. Dan jinkludi ċ-ċiklu tal-ħajja twil tal-assi tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi u l-inflessibbiltà inerenti tagħhom għall-adattament jew l-aġġornament. |
|
4.15. |
Bil-għan li tiġi żgurata l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma, l-eżenzjonijiet mill-iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur iridu jkunu strettament limitati. Preferibbilment, l-eżenzjoni għall-prodotti mqiegħda fis-suq f’inqas minn żewġ tunnellati fis-sena għandha titħassar, peress li xi sustanzi huma qawwijin anke fi kwantitajiet żgħar, u bħala minimu għandu jiġi ċċarat li ż-żewġ tunnellati jirreferu għas-suq tal-UE u mhux għal-livell nazzjonali. Għandu jiġi żgurat ukoll li r-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur tkopri l-bejjiegħa bl-imnut online. |
|
4.16. |
L-ispiża tat-trattament tal-ilma mormi tikkostitwixxi sehem sinifikanti tal-kontijiet tal-ilma, iżda ħafna utenti tal-ilma mhumiex konxji tas-servizz li jipprovdi t-trattament tal-ilma mormi, u lanqas il-punt sa fejn it-trattament tal-ilma mormi jsir tajjeb fiż-żona tagħhom. Għalhekk jilqa’ d-dispożizzjoni l-ġdida dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni lill-pubbliku peress li tiżgura li tinxtered informazzjoni aġġornata dwar il-perċentwal ta’ ilma mormi ttrattat (u mhux ittrattat) fiż-żona, kif ukoll it-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa skarikati minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi u sistemi individwali kif ukoll mit-tifwir tad-drenaġġ u l-ilma tax-xeba’ urban. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ilma (EWA), Manifest dwar l-ilma.
(2) Nazzjonijiet Uniti, Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, Goal 6: Ensure access to water and sanitation for all (Għan 6: L-iżgurar tal-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd — mhux disponibbli bil-Malti).
(3) OECD, Financing Water Supply, Sanitation and Flood Protection (Il-Finanzjament tal-Provvista tal-Ilma, is-Sanità u l-Protezzjoni kontra l-Għargħar — mhux disponibbli bil-Malti).
(4) UNEP, How drug-resistant pathogens in water could spark another pandemic (Kif il-patoġeni reżistenti għall-mediċini fl-ilma jistgħu jwasslu għal pandemija oħra — mhux disponibbli bil-Malti).
(5) UNEP, Environmental Dimensions of Antimicrobial Resistance (Id-Dimensjonijiet Ambjentali tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi — mhux disponibbli bil-Malti).
(6) Lapointe et al., Sustainable strategies to treat urban runoff needed, (Neħtieġu strateġiji sostenibbli għat-trattament tal-ilma tax-xeba’ urban) Nature Sustainability 5, 2022, pp. 366-369 (mhux disponibbli bil-Malti).
(7) Tian et al., A ubiquitous tire rubber–derived chemical induces acute mortality in coho salmon (Kimika li tinsab kullimkien derivata mill-gomma tat-tajers tinduċi mortalità akuta fis-salamun coho), Science, Vol. 371, 2021, pp. 185-189 (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) EAWAG, Monitoring antibiotic resistance in wastewater (Monitoraġġ tar-reżistenza għall-antibijotiċi fl-ilma mormi — mhux disponibbli bil-Malti).
(9) Wilhelm et al., Does wastewater treatment plant upgrading with activated carbon result in an improvement of fish health?, (L-aġġornament tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi bil-karbonju attivat jirriżulta f’titjib fis-saħħa tal-ħut?) Aquatic Toxicology, Vol. 192, 2017, pp. 184-197 (mhux disponibbli bil-Malti).
(10) QEA, Special Report 12/2021, The Polluter Pays Principle: Inconsistent application across EU environmental policies and actions (Rapport Speċjali 12/2021 — Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas: Applikazzjoni inkonsistenti fil-politiki u fl-azzjonijiet ambjentali tal-UE, (mhux disponibbli bil-Malti)).
(11) Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE.
(12) Kummissjoni Ewropea, Evaluation of the Council Directive 91/271/EEC (Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE — mhux disponibbli bil-Malti).
(13) WHO, Guidelines for the safe use of wastewater, excreta and greywater (Linji Gwida għall-użu sikur tal-ilma mormi, tal-eskrementi u tal-ilma griż — mhux disponibbli bil-Malti).
(14) Nguyen & Venohr, Harmonised assessment of nutrient pollution from urban systems including losses from sewer exfiltration: a case study in Germany, (Valutazzjoni armonizzata tat-tniġġis min-nutrijenti minn sistemi urbani, inkluż it-telf mill-esfiltrazzjoni tad-drenaġġ: studju ta’ każ fil-Ġermanja) Environmental Science and Pollution Research Vol. 28, 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).
(15) Ara pereżempju Marselisborg WWTP — from wastewater plant to power plant (Marselisborg WWTP — minn impjant tal-ilma mormi għal impjant tal-enerġija — mhux disponibbli bil-Malti).
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/41 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, id-Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament u d-Direttiva 2008/105/KE dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma”
(COM(2022) 540 final — 2022/0344 (COD))
(2023/C 146/07)
|
Relatur: |
Arnaud SCHWARTZ |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 19.1.2023 Kunsill, 24.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.2.2023 |
|
Data tal-adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
156/01/06 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex għadd ta’ sustanzi niġġiesa tal-ilma li huma kruċjali jinżiedu mal-listi ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, li se jintużaw biex jiġi vvalutat l-istatus kimiku skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-Istati Membri se jkollhom jimmonitorjaw il-preżenza tagħhom fl-ilma u jiżguraw li l-istandards tal-kwalità ma jinqabżux. Il-Proposta kellha ssir diversi snin ilu u hija tentattiv pożittiv biex tiġi aġġornata l-valutazzjoni tal-istatus kimiku tal-ilma. |
|
1.2. |
Il-KESE jirrimarka li l-ilma nadif huwa fundamentali għas-soċjetà u l-ambjent tagħna, kif ukoll għall-attivitajiet soċjoekonomiċi. Qafas b’saħħtu għall-protezzjoni tal-ilma, li jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tniġġis fis-sors, se jġib benefiċċji għall-ekosistemi, għall-utenti tal-ilma għal finijiet ta’ rikreazzjoni, u għall-industrija, u se jiżgura ilma tax-xorb nadif u affordabbli. |
|
1.3. |
Filwaqt li hemm spejjeż assoċjati mal-inizjattiva, pereżempju għat-trattament tal-ilma mormi, il-KESE jenfasizza li l-benefiċċji assoċjati mal-ilma mhux imniġġes huma akbar minnhom, pereżempju billi jiġi evitat l-esponiment għal sustanzi kimiċi dannużi u jonqos il-bżonn ta’ trattament biex jintlaħqu l-istandards tal-ilma tax-xorb. It-tibdil fix-xejriet tal-użu ta’ sustanzi perikolużi, bl-għan li titnaqqas il-preżenza tagħhom fl-ilma, jista’ jġib ukoll kobenefiċċji bħal tnaqqis fl-esponiment għal pestiċidi perikolużi għall-ħaddiema fis-settur agroalimentari. |
|
1.4. |
Għandu jsir aktar għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jitlob li jiġu żviluppati linji gwida speċifiċi għall-industriji li jużaw l-ilma b’sustanzi differenti fil-proċessi tal-produzzjoni. |
|
1.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu aktar biex jiġbru, jorganizzaw u jinterpretaw id-data dwar l-ilma u jpoġġu l-ħtiġijiet tad-data ambjentali fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħhom. It-tnaqqis tad-dewmien fid-data u l-iżgurar ta’ indikaturi speċifiċi fl-Istati Membri kollha huma importanti. |
|
1.6. |
Aktar minn 60 % tal-ilmijiet Ewropej għad m’għandhomx status kimiku tajjeb skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (1), iżda dan ma jagħtix l-istampa sħiħa tal-kwistjoni peress li l-valutazzjoni attwali ma tqisx l-effetti ta’ taħlit kimiku li jista’ jseħħ anki meta s-sustanzi niġġiesa jkunu preżenti f’livelli “sikuri”. Għandu jsir aktar biex jiġi evalwat u mmonitorjat l-impatt tas-sustanzi kkombinati fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. |
|
1.7. |
Il-pestiċidi pprojbiti għadhom preżenti fl-ilmijiet Ewropej. Il-KESE jenfasizza li l-miżuri ta’ monitoraġġ, inkluż it-twaqqif tal-użu illegali u d-derogi, iridu jibqgħu fis-seħħ fl-Istati Membri fejn jiġu identifikati ammonti eċċessivi, anke jekk dawn is-sustanzi jkunu tneħħew mil-lista bħala sustanzi ta’ prijorità fil-livell tal-UE. |
|
1.8. |
L-ilma huwa riżorsa vitali iżda qed issir dejjem aktar skarsa. Żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej iqisu l-kwalità u/jew il-kwantità tal-ilma f’pajjiżhom bħala problema serja (2). Dan it-tħassib jeħtieġ li jiġi ttrattat bl-urġenza dovuta biex b’hekk jiġi implimentat b’suċċess l-SDG 6 dwar “L-iżgurar tal-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd” u biex tiġi evitata kriżi futura. L-iffaċilitar tal-aċċess għal riżorsi, tagħmir u riżorsi umani adegwati għandu jkun prijorità għall-Istati Membri flimkien mal-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kontroll u ż-żieda fl-għadd ta’ spetturi ta’ kontroll. |
|
1.9. |
Il-KESE jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej jibdew jindirizzaw l-ilma bħala prijorità u jiżviluppaw “Patt Blu tal-UE”: sforz radikali biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet u biex jiġu ppreservati u ġestiti b’mod adegwat l-isfidi relatati mal-ilma permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv u kkoordinat, li jistabbilixxi miri u azzjonijiet ambizzjużi marbuta ma’ stadji importanti miftiehma. Il-KESE ser jagħmel proposti konkreti għal Patt Blu tal-UE matul l-2023. |
2. Kuntest
|
2.1. |
Ir-reviżjoni tal-listi tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, ippreżentata fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li temenda d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, għandha l-għan li tindirizza żewġ problemi ewlenin:
|
|
2.2. |
Għall-ilma tal-wiċċ, ir-reviżjoni tipproponi li jinżiedu 24 sustanza individwali (pestiċidi, farmaċewtiċi u sustanzi kimiċi industrijali) u grupp ta’ 24 sustanza ta’ perfluworoalkilati u polifluworoalkilati) (PFAS) mal-lista ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ, kif ukoll li jiġi emendat l-istandard tal-kwalità ambjentali għal 16-il sustanza diġà elenkati u jitneħħew erba’ sustanzi meqjusa li m’għadhomx ta’ theddida għall-UE kollha. Barra minn hekk, ġie introdott valur ta’ limitu għall-pestiċidi b’konformità mad-dispożizzjonijiet għall-ilma ta’ taħt l-art. |
|
2.3. |
Għall-ilma ta’ taħt l-art, huwa ssuġġerit li grupp ta’ 24 PFAS, żewġ antibijotiċi u firxa ta’ metaboliti tal-pestiċidi jinżiedu mal-Anness I tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art b’valuri ta’ limitu għall-UE kollha. Barra minn hekk, qed jiġi introdott valur ta’ limitu għall-prodotti farmaċewtiċi. Tinżied sustanza farmaċewtika waħda fl-Anness II tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, li jfisser li l-Istati Membri jeħtieġu jikkunsidraw li jistabbilixxu valur ta’ limitu nazzjonali. |
|
2.4. |
Il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġija biex timmonitorja l-mikroplastiċi u l-ġeni ta’ reżistenza antimikrobika bl-għan li telenkahom bħala sustanzi niġġiesa fil-futur. |
|
2.5. |
Sabiex jitjieb il-monitoraġġ tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma ta’ taħt l-art, il-proċedura tal-“lista ta’ sorveljanza” saret obbligatorja għall-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art. |
|
2.6. |
L-istandards għas-sustanzi niġġiesa rregolati fil-livell tal-baċin tax-xmara ġew armonizzati u se jiġu inklużi fil-valutazzjoni tal-istatus kimiku. |
|
2.7. |
L-Istati Membri huma meħtieġa jimmonitorjaw is-sustanzi estroġeniċi bl-użu ta’ metodi bbażati fuq l-effetti fuq perjodu ta’ sentejn b’mod parallel mal-monitoraġġ kimiku konvenzjonali ta’ tliet sustanzi estroġeniċi. Id-definizzjoni ta’ standard tal-kwalità ambjentali fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma hija emendata biex tinkludi valuri skattaturi bbażati fuq l-effetti użati għal monitoraġġ ibbażat fuq l-effetti. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, it-tniġġis tal-ilma għadu kwistjoni mifruxa ħafna fl-Ewropa, b’influwenza negattiva fuq l-organiżmi akwatiċi, l-użu tal-ilma għar-rikreazzjoni u l-provvista tal-ilma tax-xorb. Dan jikkostitwixxi wkoll tħassib għall-agrikoltura u l-industrija. Żewġ terzi tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u kwart tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art fl-Ewropa għad m’għandhomx status kimiku tajjeb (3), iżda dan jiġi vvalutat biss abbażi ta’ subsett żgħir ta’ sustanzi niġġiesa u ma jirriflettix il-firxa sħiħa tat-tniġġis tal-ilma. |
|
3.2. |
It-tniġġis tal-ilma jġib miegħu spiża kbira għas-soċjetà, stmata għal EUR 22 biljun fis-sena, meta jitqies biss it-tniġġis minn nutrijenti (4). Anke jekk il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” huwa minqux fit-Trattati tal-UE, għadu mhux implimentat sew, li jfisser li l-ispiża tat-tniġġis hija fil-biċċa l-kbira mġarrba mill-kontribwenti (5). L-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għal sustanzi ta’ ħsara jsir bi spiża kbira, u r-rimedju u t-trattament tal-ilma kkontaminat jiswew ħafna flus. Għalhekk, l-isforzi kollha għandhom ikunu diretti lejn il-prevenzjoni tat-tniġġis fis-sors. |
|
3.3. |
It-theddida ta’ effetti ta’ taħlit kimiku (cocktail effect) fuq l-organiżmi akwatiċi u s-saħħa tal-bniedem hija kwistjoni magħrufa sew, u n-nuqqasijiet tal-qafas attwali ta’ monitoraġġ u rappurtar kienu wieħed mill-punti ewlenin li r-reviżjoni li għaddejja trid issolvi. Għandhom jitqiesu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-komunità xjentifika, pereżempju fil-qafas tal-proġetti SOLUTIONS u NORMAN tal-UE. |
|
3.4. |
Ir-rieżami tal-listi tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art għandu jsir kull erba’ u sitt snin rispettivament. Ir-reviżjoni attwali jmissha ilha li saret peress li l-aħħar reviżjonijiet saru fl-2013 u fl-2014 għas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art rispettivament. Dan ifisser li s-sustanzi prijoritarji l-ġodda se jiffurmaw biss parti mill-valutazzjoni tal-istatus kimiku tar-4 ċiklu tal-pjani ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, bl-2033 bħala data ta’ konformità proposta. Minħabba l-istat gravi tal-kwalità tal-ilma Ewropew, u l-fatt li s-sustanzi proposti diġà ntwera li huma ta’ tħassib għall-ilma fl-UE kollha, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li jittieħdu miżuri mingħajr dewmien biex titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ dawn is-sustanzi niġġiesa u ta’ sustanzi niġġiesa oħra fl-ilmijiet kollha tal-UE. L-UE trid tirreaġixxi aktar malajr għall-għarfien xjentifiku dwar it-tniġġis tal-ilma u trid tittraduċih f’azzjoni legali u soluzzjonijiet. L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali huwa essenzjali wkoll, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi effiċjenti u aktar rapidi (6). |
|
3.5. |
Il-KESE jappoġġja ż-żieda ta’ sustanzi niġġiesa ġodda mal-lista ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Il-listi mhux biss jirrikjedu li l-Istati Membri jnaqqsu r-rilaxx ta’ dawn is-sustanzi fl-ambjent iżda wkoll jiskattaw miżuri taħt Direttivi oħra (7). Madankollu, jekk il-listi ma jkunux aġġornati jew ikunu limitati wisq, l-azzjoni ambjentali tista’ tkun limitata. Bl-istess mod, is-sustanzi niġġiesa ġew miżjuda fil-biċċa l-kbira bħala sustanzi individwali, mingħajr kunsiderazzjoni tal-effetti tat-taħlit kimiku. |
|
3.6. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-PFAS ġew miżjuda bħala grupp ta’ 24 sustanza b’valur ta’ limitu għall-grupp, u jilqa’ wkoll l-introduzzjoni ta’ valur ta’ limitu għall-pestiċidi fl-ilma tal-wiċċ u valur ta’ limitu għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ilma ta’ taħt l-art. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-valuri ta’ limitu jistgħu jkunu għoljin wisq biex ikunu protettivi, dan huwa konformi mal-ambizzjoni tal-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà li tirregola s-sustanzi bħala grupp. Madankollu, dawn il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu żviluppati wkoll għal gruppi oħra ta’ sustanzi, inklużi l-bisfenoli, il-piretrojdi u n-neonikotinojdi. |
|
3.7. |
Għalkemm il-pestiċidi huma pprojbiti, dawn qed jippersistu fl-ambjent, fejn huma ta’ theddida għall-ħajja akwatika u għas-saħħa tal-bniedem, minħabba eċċezzjonijiet legali, minħabba użu illegali jew minħabba li sustanza tkun diffiċli biex tiġi degradata. Il-maġġoranza l-kbira tal-pestiċidi misjuba fl-ilma f’ċerti Stati Membri mhumiex awtorizzati, inklużi d-DDT, il-lindane, l-atrażina u l-endosulfan (8). Huwa kruċjali li jissoktaw il-monitoraġġ u l-isforzi biex titnaqqas il-preżenza tagħhom. |
|
3.8. |
Qed jiġi propost ukoll li jitħassar l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma minħabba li m’għadux rilevanti. Dan, madankollu, huwa biss parzjalment korrett minħabba li t-tħassir jirriżulta fl-eliminazzjoni tal-iskadenza ta’ 20 sena għat-tneħħija gradwali ta’ sustanzi perikolużi prijoritarji. L-obbligu ta’ eliminazzjoni gradwali, wieħed mill-objettivi ewlenin tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, huwa infurzabbli biss jekk ikun marbut ma’ skadenza ċara. Diġà skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma eżistenti l-obbligu ta’ eliminazzjoni gradwali ġie injorat f’ħafna każi; inqas ma jkun konkret, aktar l-awtoritajiet jippruvaw jinjorawh. Dan jikkostitwixxi dgħufija serja. |
|
3.9. |
Filwaqt li tikkwota l-approċċ ta’ “sustanza waħda, valutazzjoni waħda” skont l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà, il-Proposta tassenja rwol ċentrali lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex tieħu f’idejha sett ta’ responsabbiltajiet mingħand id-DĠ ENVI u l-JRC fl-identifikazzjoni tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma u l-istandards ta’ kwalità assoċjati magħhom. Peress li l-ECHA tittratta primarjament is-sustanzi kimiċi regolati skont ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li ma jinkludix il-pestiċidi u l-farmaċewtiċi, il-KESE jħeġġeġ lill-ECHA ssaħħaħ il-kapaċità (legali u teknika) tagħha rigward il-farmaċewtiċi u l-pestiċidi sabiex tkun mgħammra biex tindirizza l-kompiti l-ġodda tagħha. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-ECHA f’dan il-kuntest tikkoopera ma’ msieħba bil-ħiliet adatti, inkluż fil-livell reġjonali, pereżempju l-universitajiet u l-laboratorji tagħhom. |
|
3.10. |
Għandu jsir aktar għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, eż. fis-settur agroalimentari. F’dan ir-rigward, il-KESE qed jitlob li jiġu żviluppati linji gwida speċifiċi għall-industriji li jużaw l-ilma b’sustanzi differenti fil-proċessi tal-produzzjoni. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-data ta’ monitoraġġ u l-istatus li jirriżulta għandhom ikunu disponibbli għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u għall-pubbliku mill-inqas darba fis-sena, minflok kull sitt snin, kif kien il-każ qabel. Dan se jipprovdi stampa aktar aġġornata tal-istat tal-ilmijiet tal-Ewropa u l-progress lejn il-kisba tal-għan tad-WFD. |
|
4.2. |
Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni li jintużaw metodi bbażati fuq l-effetti għall-monitoraġġ ta’ sustanzi estroġeniċi. Dan se jaqbad l-effett mis-sustanzi estroġeniċi kollha b’effetti simili u mhux biss mit-tliet sustanzi estroġeniċi mmonitorjati bl-użu ta’ tekniki kimiċi konvenzjonali. Filwaqt li l-inklużjoni ta’ valuri skattaturi fid-definizzjoni ta’ standard ta’ kwalità ambjentali tiftaħ il-possibbiltà għall-introduzzjoni ta’ monitoraġġ ibbażat fuq l-effett tal-impatt tat-taħlit fil-valutazzjoni futura tal-istatus kimiku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tressaq atti delegati li jobbligaw użu ulterjuri ta’ monitoraġġ ibbażat fuq l-effetti. |
|
4.3. |
L-istandards tal-kwalità għall-glifosat ġew stabbiliti qabel ma nħarġet l-opinjoni finali tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER), mingħajr ebda indikazzjoni li se jiġu riveduti wara l-opinjoni xjentifika finali, li jfisser li l-kontribut mis-soċjetà ċivili fil-konsultazzjoni SCHEER mhux qed jitqies. Il-Kumitat SCHEER għandu jqis ukoll il-fehmiet tas-soċjetà ċivili (9) dwar din l-opinjoni finali. Mhuwiex tard wisq għal dan peress li l-proċess tar-reviżjoni tal-istandards tal-kwalità ambjentali għall-glifosat għadu għaddej, kif meħtieġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Dan għandu jifforma l-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu fl-ilmijiet tal-wiċċ. |
|
4.4. |
Il-KESE jqis li l-ebda standard tal-kwalità ambjentali individwali għall-pestiċidi ma għandu jkun ogħla mill-parametru propost tal-“pestiċidi totali” (0,5 μg/L) (10). Għalhekk, l-istandard tal-kwalità ambjentali propost għall-ilmijiet tal-wiċċ interni li ma jintużawx għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb (86,7 μg/L) m’għandux jintuża. Minflok, abbażi ta’ approċċ prekawzjonarju, il-KESE jirrakkomanda li l-istandard tal-kwalità ambjentali propost għall-ilma tal-wiċċ użat għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb (0,1 μg/L) għandu jkopri l-ilma tal-wiċċ intern kollu. L-istandard tal-kwalità ambjentali għal “ilmijiet tal-wiċċ oħrajn” għandu konsegwentement jiġi emendat għal 0,01 μg/L skont il-prattika li jintużaw limiti li huma għaxar darbiet aktar baxxi għal “ilmijiet tal-wiċċ oħrajn” meta mqabbel ma’ “ilmijiet tal-wiċċ interni”. |
|
4.5. |
Il-valur ta’ limitu individwali għall-pestiċidi fl-ilma ta’ taħt l-art huwa bbażat fuq dak li kien possibbli li jiġi analizzat b’tekniki analitiċi fis-snin 90 (11). Minn dak iż-żmien ’l hawn sar progress tekniku u issa hija possibbli d-detezzjoni ta’ konċentrazzjonijiet aktar baxxi. Fl-ilma tal-wiċċ, diġà huma stabbiliti valuri ta’ limitu aktar baxxi għal diversi pestiċidi. Il-KESE jinnota b’dispjaċir il-fatt li l-Kummissjoni ma rrieżaminatx il-valur ta’ limitu individwali għall-pestiċidi fir-reviżjoni tas-sustanzi niġġiesa tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Fl-ilma ta’ taħt l-art, jiġi applikat limitu arbitrarju ta’ 0,1 μg/L għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ibbażat fuq tekniki analitiċi, u issa jeżistu tekniki mtejba li jippermettu li tkun disponibbli informazzjoni xjentifika biex jiġu stabbiliti limiti bbażati fuq ir-riskju attwali assoċjat mas-sustanzi differenti. |
|
4.6. |
Għad hemm nuqqas ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tas-saħħa tas-sistemi tal-ilma ta’ taħt l-art, bħat-temperatura, minkejja l-fatt li x-xjenza diġà tipprovdi finanzjament robust biex jiġu stabbiliti kriterji rilevanti. Il-KESE jistaqsi għaliex il-Kummissjoni ma inkludietx tali kriterji rilevanti fil-Proposta tagħha. Tali kriterji għandhom jinżiedu fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art f’konformità mal-premessa 20 u l-Artikolu 4(5) tal-istess Direttiva, u għandhom jikkonformaw mat-talbiet relatati mal-ilma ta’ taħt l-art fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma (17.12.2020). |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) EEA, Rapport Nru 7/2018, European waters: Assessment of status and pressures 2018 (L-ilmijiet Ewropej: Valutazzjoni tal-istatus u tal-pressjonijiet 2018 (mhux disponibbli bil-Malti)).
(2) Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ilma (EWA), Water Manifesto (Manifest dwar l-Ilma (mhux disponibbli bil-Malt))).
(3) EEA, Rapport Nru 9/2021, Drivers of and pressures arising from selected key water management challenges: A European overview (Fatturi li joħolqu sfidi ewlenin partikolari għall-ġestjoni tal-ilma, u pressjonijiet li jirriżultaw minnhom: Ħarsa ġenerali Ewropea, (mhux disponibbli bil-Malti))
(4) Kummissjoni Ewropea, Green taxation and other economic instruments — Internalising environmental costs to make the polluter pay (It-tassazzjoni ekoloġika u strumenti ekonomiċi oħra — L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali biex min iniġġes iħallas, (mhux disponibbli bil-Malti)).
(5) QEA, Rapport Speċjali 12/2021, The Polluter Pays Principle: Inconsistent application across EU environmental policies and actions (Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas: Applikazzjoni inkonsistenti fil-politiki u fl-azzjonijiet ambjentali tal-UE, (mhux disponibbli bil-Malti)).
(6) Opinjoni tal-KESE dwar L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — L-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU C 123, 9.4.2021, p. 66).
(7) Pereżempju, l-awtorizzazzjonijiet tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (PPPR) iridu jiġu rieżaminati jekk l-istatus kimiku tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jkun f’riskju.
(8) PAN Europe and Ecologistas en Acción, Ríos hormonados: Contamination of Spanish Rivers with Pesticides, (Xmajjar ta’ ormoni: Kontaminazzjoni tax-Xmajjar Spanjoli bil-Pestiċidi, (mhux disponiibbli bil-Malti)).
(9) Joint NGO analysis of the Commission’s proposal for a revised list of priority substances for surface and groundwater (Analiżi konġunta tas-soċjetà ċivili tal-Proposta tal-Kummissjoni għal lista riveduta ta’ sustanzi prijoritarji għall-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, (mhux disponibbli bil-Malti)).
(10) COM(2022)540, ANNESS I.
(11) Ara l-kummenti mill-EMA fil-Guideline on assessing the environmental and human health risks of veterinary medicinal products in groundwater (Linja gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskji ambjentali u għas-saħħa tal-bniedem ta’ prodotti mediċinali veterinarji fl-ilma ta’ taħt l-art, (mhux disponibbli bil-Malti)) u mill-EEA fl-ETC/ICM Report 1/2020: Pesticides in European rivers, lakes and groundwater — Data assessment (Rapport Nru 1/2020 tal-ETC/ICM: Il-pestiċidi fix-xmajjar, fil-lagi u fl-ilma ta’ taħt l-art tal-Ewropa — Valutazzjoni tad-data, (mhux disponibbli bil-Malti)).
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/46 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa
(COM(2022) 542 final — 2022/0347 (COD))
(2023/C 146/08)
|
Relatur: |
Kęstutis KUPŠYS |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 19.1.2023 Kunsill, 24.1.2023 |
|
Bażi legali |
Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.2.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
22.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
145/9/12 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
L-arja nadifa hija dritt fundamentali tal-bniedem, u għalhekk il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-Proposta għal reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE (inkluż għall-ożonu, fil-forma ta’ valuri limitu) jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Linji Gwida Globali dwar il-Kwalità tal-Arja aġġornati tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sa mhux aktar tard mill-2030, u li jiġi definit qafas ta’ abilitazzjoni b’saħħtu bbażat fuq valuri ta’ limitu, mekkaniżmi ta’ infurzar u regoli ċari ta’ ġestjoni. It-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja għandu kobenefiċċji kbar għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-bijodiversità, u jżid ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet għall-pandemiji. |
|
1.2. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni biex tiffoka fuq “l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji”, iżda jiddispjaċih li l-proporzjon, u mhux il-protezzjoni massima tal-ħajja tal-bniedem u l-indikaturi tas-saħħa, huwa meqjus bħala l-aktar indikatur importanti li għandu jitqies f’din ir-reviżjoni. Dan iwassal biex l-għażla ta’ politika ppreferuta tkun “l-allinjament aktar mill-qrib” iktar milli “l-allinjament sħiħ”. Bl-eċċezzjoni tad-diossidu tan-nitroġenu, il-Proposta tidher li tfittex allinjament mal-Linji Gwida tad-WHO tal-2005, u mhux dawk l-iktar reċenti, ippubblikati fl-2021. |
|
1.3. |
L-istandards tal-arja nadifa jiffurmaw qafas legali, iżda t-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa fil-kompetenza ta’ pakketti leġiżlattivi oħra. Il-Kumitat huwa kunfidenti li l-limiti u r-regoli tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, stabbiliti u infurzati b’mod ambizzjuż u f’waqtu, flimkien ma’ miżuri settorjali effettivi, se jwasslu għal azzjonijiet kuraġġużi fil-livelli nazzjonali u lokali. |
|
1.4. |
Iċ-ċittadini għandhom jaġixxu wkoll u jitgħallmu dwar ir-rabta bejn l-istil ta’ ħajja tagħhom, l-azzjonijiet tagħhom, ix-xejriet tal-konsum tagħhom u l-livelli tat-tniġġis. Nies infurmati aħjar huma ħafna aktar motivati biex jaġixxu, u l-bidla fl-imġiba fit-tul tista’ tinkiseb aktar faċilment. Għalhekk, il-KESE jappella għal żieda fil-finanzjament għal proġetti tax-xjenza taċ-ċittadini relatati mat-tniġġis taħt il-programm Orizzont Ewropa. |
|
1.5. |
Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ id-dritt għal kumpens għal persuni li sofrew dannu għas-saħħa mit-tniġġis tal-arja u penali għal persuni fiżiċi u ġuridiċi fi ħdan l-Istat Membru li kiser ir-regoli. |
2. Sfond
|
2.1. |
It-tniġġis tal-arja ambjentali (ta’ barra) huwa l-kawża ambjentali ewlenija tal-impatti fuq is-saħħa fl-UE, bi stimi ta’ aktar minn 300 000 mewta prematura fis-sena (1). Id-WHO tgħid li t-tniġġis tal-arja kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni rurali kien stmat li jikkawża 4,2 miljun mewta prematura madwar id-dinja kull sena (2). Dan huwa dovut għall-effetti kumulattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa pubblika. Pereżempju, l-esponiment għal materja partikolata fina ta’ 2,5 mikroni jew inqas fid-dijametru (PM2,5) jikkawża ħafna problemi tas-saħħa, inklużi l-mard kardjovaskulari u respiratorju u l-kanċers. It-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara wkoll lill-ambjent tagħna, u jikkawża l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u t-telf tal-għelejjel. |
|
2.2. |
L-eċċessi tal-valuri ta’ limitu tal-kwalità tal-arja huma reġistrati b’mod wiesa’ madwar l-UE (3), b’konċentrazzjonijiet ferm ogħla mill-aħħar rakkomandazzjonijiet tad-WHO (4). |
|
2.3. |
Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa u d-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali jistabbilixxu regoli għall-ġestjoni tat-tniġġis tal-arja u l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE għal 12-il sustanza niġġiesa tal-arja: diossidu tal-kubrit (SO2), diossidu tan-nitroġenu (NO2)/ossidi tan-nitroġenu (NOx), materja partikolata (PM10 u PM2,5)), ożonu (O3), benżen (C6H6), ċomb (Pb), monossidu tal-karbonju (CO), arseniku (As), kadmju (Cd), nikil (Ni) u benżo(a)piren (C20H12). |
|
2.4. |
Il-kontroll tal-idoneità (7) kkonkluda li d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent attwali għenu biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja. Hemm 70 % inqas imwiet bikrija attribwibbli għat-tniġġis tal-arja meta mqabbel mas-snin 90. Madankollu, l-arja ambjentali fil-kontinent tagħna għadha mniġġsa wisq, għad-detriment tas-saħħa tan-nies u tal-ambjent. |
|
2.5. |
Fir-rigward tal-ħsara tagħhom lis-saħħa tal-bniedem, l-aktar sustanzi niġġiesa li jagħmlu impatt fl-Ewropa huma PM2,5, NO2 u l-ożonu troposferiku. L-Unjoni Ewropea trid tikseb tniġġis żero sa mhux aktar tard mill-2050, f’sinerġija mal-isforzi tan-newtralità klimatika. Sadanittant, ir-reviżjoni attwali tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent għandha l-għan li, fost l-oħrajn:
|
3. Kummenti ġenerali
Perkors għal Tniġġis Żero
|
3.1. |
Id-dritt għal arja nadifa huwa dritt fundamentali tal-bniedem rikonoxxut internazzjonalment (8). Għalhekk, il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-Proposta għal reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja wriet li hija għodda ewlenija u fundamentali biex jiġi xprunat it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fl-UE. |
|
3.2. |
Il-livell ta’ allinjament tal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE mal-aktar Linji Gwida riċenti tad-WHO huwa kwistjoni ta’ għażla politika u jiddependi fuq l-ambizzjonijiet fil-livelli tal-istati u tal-ibliet. Tliet xenarji (u għażliet ta’ politika korrispondenti) kienu ġew eżaminati mill-Kummissjoni u deskritti fir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha (9). L-għażla fosthom hija waħda politika, u mhux waħda “purament xjentifika”. It-tliet għażliet huma distinti minħabba livelli differenti ta’ ambizzjoni: “allinjament sħiħ” (I-1), “allinjament aktar mill-qrib” (I-2) u “allinjament parzjali” (I-3). |
|
3.3. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni biex tiffoka fuq “l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji”, iżda jiddispjaċih li l-proporzjon, u mhux l-indikaturi tal-protezzjoni massima tal-ħajja tal-bniedem u tas-saħħa, huwa kkunsidrat bħala l-aktar indikatur importanti li għandu jitqies f’din ir-reviżjoni, u b’hekk iwassal għall-għażla ta’ politika I-2 ta’ “allinjament aktar mill-qrib”. Bl-eċċezzjoni tal-NO2, il-Proposta tassew tidher li tfittex allinjament mal-Linji Gwida tad-WHO tal-2005, u mhux dawk ġodda, ippubblikati fl-2021. |
|
3.4. |
Il-KESE jħeġġeġ, sal-iskadenza l-aktar bikrija possibbli, il-valutazzjoni tal-progress u r-rieżami tal-miri, bil-għan li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE jiġu allinjati bis-sħiħ mal-linji gwida aġġornati tad-WHO sa mhux aktar tard mill-2030. Dan l-allinjament għandu jkun akkumpanjat minn qafas ta’ abilitazzjoni b’saħħtu, li jwassal għal valuri ta’ limitu, mekkaniżmi ta’ infurzar u regoli ta’ ġestjoni ċari. |
Limitazzjonijiet tal-Proposta attwali
|
3.5. |
B’dispjaċir, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma jikkonformawx mal-istandards eżistenti tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, u mhumiex qed jieħdu azzjoni effettiva biex itejbu l-kwalità tal-arja – kif jixhed l-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur li għaddejjin bħalissa. Għalhekk, ir-reviżjoni kienet mistennija li mhux biss tistabbilixxi l-livell xieraq ta’ ambizzjoni, f’koerenza max-xjenza, sabiex tistimula inizjattivi aktar deċiżivi, iżda wkoll ittejjeb ir-regoli ta’ implimentazzjoni u infurzar, sabiex tassisti u tiggwida aħjar lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti. |
|
3.6. |
Il-Kumitat jappella għat-tneħħija ta’ lakuni potenzjali mil-leġiżlazzjoni, relatati mas-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni ambjentali. L-Artikoli 16 u 17 fihom ir-regoli għat-tnaqqis tat-tixrid ta’ ramel/tat-tmelliħ fix-xitwa u tas-sorsi naturali tat-tniġġis tal-arja mill-obbligu ta’ konformità. Fil-fehma tal-Kumitat, dan l-approċċ jikkontradixxi l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni. Sorsi naturali u magħmula mill-bniedem jikkombinaw u jamplifikaw l-effett tas-sustanzi niġġiesa. Billi ninjoraw is-sorsi naturali tat-tniġġis tal-arja, inkomplu npoġġu ħajjet in-nies fil-periklu. |
|
3.7. |
Bl-istess mod, fl-Artikolu 29, l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu penali “effettivi, proporzjonati u dissważivi” għal “persuni fiżiċi u ġuridiċi” fl-Istat Membru li kiser ir-regoli. Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ, peress li huwa estremament importanti li jkun hemm reġim ta’ sanzjonijiet li jaħdem biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità, flimkien mad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 28 dwar id-dritt għal kumpens għal persuni li jkunu sofrew ħsara għas-saħħa (anke parzjalment) mit-tniġġis tal-arja. Il-Kumitat jappella li tiġi stabbilita rabta ċara u strettament razzjonali bejn is-sors ta’ sustanza niġġiesa u dak li jniġġes, li tiċċara r-responsabbiltajiet u l-penalizzazzjonijiet relatati tagħhom; jitlob ukoll kjarifika ulterjuri tad-dispożizzjonijiet dwar il-pjani dwar il-kwalità tal-arja u r-rimedji (inklużi penali finanzjarji) marbuta man-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità tal-arja sal-iskadenzi. |
|
3.8. |
Għandha ssir enfasi speċjali fuq l-ożonu. Skont l-istima tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 24 000 mewta prematura fis-sena huma dovuti għall-esponiment għall-ożonu (10). L-ożonu huwa sustanza niġġiesa li ma tiġix emessa direttament minn sorsi primarji. Huwa ffurmat permezz ta’ serje ta’ reazzjonijiet kumplessi fl-atmosfera xprunati mill-enerġija trasferita għall-molekuli tad-diossidu tan-nitroġenu meta dawn jassorbu d-dawl mir-radjazzjoni solari (11). L-effetti fuq is-saħħa tal-ożonu troposferiku (ożonu “tossiku”) huma identifikati sew: riċerka epidemjoloġika reċenti wriet li l-esponimenti għall-ożonu huma assoċjati ma’ żieda fil-mortalità u l-morbidità (12) u ma’ ħsara serja għan-natura u l-għelejjel. Għad ma hemm l-ebda azzjoni effettiva fis-seħħ biex jitnaqqsu malajr l-emissjonijiet tal-prekursuri tal-ożonu bħall-metan, minkejja l-pubblikazzjoni reċenti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Metan skont il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan. Madankollu, il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni li, matul ir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet fl-2025, tiġi esporata l-possibbiltà li l-metan jiġi inkluż fost is-sustanzi niġġiesa regolati. |
|
3.9. |
Fl-Artikolu 13, il-Kummissjoni qed tipproponi li taqleb f’“valuri ta’ limitu” kważi s-sustanzi niġġiesa kollha fl-arja li bħalissa huma soġġetti għal “valuri fil-mira”, ħlief għall-ożonu, li għadu kopert biss mill-“valuri fil-mira”. Din l-eżenzjoni hija ġġustifikata mill-karatteristiċi kumplessi tal-formazzjoni tagħha fl-atmosfera li jikkumplikaw il-kompitu tal-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-konformità ma’ valuri ta’ limitu stretti. |
|
3.10. |
Fil-fehma tal-Kumitat, valuri fil-mira bħal dawn mhux se jinċentivaw biżżejjed lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti biex inaqqsu l-ożonu troposferiku – wieħed mill-aktar tliet sustanzi niġġiesa serji. Jeżistu soluzzjonijiet biex jitnaqqas l-ożonu tossiku. It-tnaqqis tal-prekursuri tal-ożonu bħall-NO2, il-komposti organiċi volatili (KOV) mhux metaniċi u l-emissjonijiet tal-metan, se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu. It-titjib tal-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi, it-tnaqqis tal-użu jew il-projbizzjoni ta’ solventi, żebgħa jew sprejers b’kontenut għoli ta’ KOV, it-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet tal-metan mill-enerġija, mill-iskart u mill-agrikoltura (l-akbar kontributur) huma modi effiċjenti biex konsegwentement jitnaqqas l-ożonu troposferiku. Dawn l-għodod magħrufa għandhom jiġu sfruttati kompletament. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-istandards tal-ożonu tal-UE jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Linji Gwida Globali tal-2021 tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja fil-forma ta’ valur ta’ limitu. |
|
3.11. |
Minbarra l-Proposta tal-Kummissjoni, għandhom jiġu introdotti siti ta’ monitoraġġ addizzjonali għall-Partiċelli Ultrafini, il-karbonju iswed u l-ammonijaka. Id-densità proposta mhijiex biżżejjed biex isservi l-iżvilupp ta’ studji epidemjoloġiċi. Is-siti ta’ monitoraġġ iridu jiġu ppjanati b’tali mod li d-data tagħhom tkun biżżejjed biex tinforma b’mod adegwat lill-awtoritajiet tas-saħħa lokali dwar ir-riskji għas-saħħa kkawżati mit-tniġġis lokali, inklużi s-sustanzi niġġiesa emerġenti ta’ tħassib, speċjalment fir-rigward ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli u żoni mniġġsa ħafna. |
Miżuri settorjali speċifiċi
|
3.12. |
Fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-Proposta, il-Kumitat jissuġġerixxi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi mill-inqas monitoraġġ ta’ “supersiti” wieħed għal kull belt b’aktar minn 250 000 abitant f’ post bi sfond urban. L-Istati Membri li ma għandhomx bliet b’aktar minn 250 000 abitant jeħtiġilhom jistabbilixxu mill-inqas monitoraġġ ta’ “supersiti” f’post bi sfond urban. |
|
3.13. |
Minbarra l-gwida purament medika, id-WHO tirrakkomanda l-protezzjoni tan-natura, il-preservazzjoni tal-arja nadifa, u l-investiment fl-enerġija nadifa biex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u b’saħħitha tal-enerġija, li se ġġib ukoll kobenefiċċji fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Id-WHO tirrakkomanda wkoll il-bini ta’ bliet tajbin għas-saħħa u abitabbli: tiġi promossa mobilità aktar nadifa u attiva bħat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi; jitwaqqaf l-użu ta’ flus tal-kontribwenti biex jiġu ssussidjati l-fjuwils fossili li jikkawżaw it-tniġġis tal-arja; u jiġu promossi dieti tajbin għas-saħħa. |
|
3.14. |
Dawn il-punti ta’ azzjoni għandhom jiggwidaw ukoll it-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropej. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-inizjattivi rilevanti wiesgħa daqs “lesti għall-mira ta’ 55 %” jew REPowerEU jenħtieġ li jiġu adottati u implimentati fid-dawl tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni ambjentali (13), waqt li jservu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi. |
|
3.15. |
Huwa għalhekk li l-KESE jara lok għal aktar titjib fil-Proposta. In-nuqqas tal-Proposta tal-Kummissjoni jinsab b’mod ċar fil-fatt li ma tħarisx lil hinn minn dak li huwa teknikament kwantifikabbli llum. L-impatti mill-azzjonijiet ta’ politika huma mmudellati sat-tnaqqis massimu teknikament fattibbli, bix-xenarju bażi diġà jissottovaluta l-potenzjal. Leġiżlazzjoni settorjali b’saħħitha addizzjonali (eż. fit-trasport, it-tisħin domestiku u s-settur agroalimentari) bla dubju tgħin fil-provvista ta’ arja aktar nadifa:
|
|
3.16. |
Ir-regoli tal-arja nadifa jiffurmaw qafas legali, iżda t-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa fil-kompetenza ta’ pakketti leġiżlattivi oħra. Fil-fehma tal-Kumitat, il-kunċett ta’ żona b’emissjonijiet baxxi/emissjonijiet żero joffri eżempju perfett ta’ “l-aħjar prattika”. Pereżempju, jista’ jkun li ma kienx ikun hemm Żona b’Emissjonijiet Baxxi (LEZ) fi Brussell jekk ma kienx hemm normi biex jiġu infurzati miżuri biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Aktar tard, hekk kif aktar u aktar bliet jilħqu n-normi, il-miri gwida jeħtieġ li jiġu aġġornati abbażi ta’ data xjentifika biex il-kwalità tal-arja tittejjeb kontinwament. |
|
3.17. |
Il-proċess deskritt hawn fuq joħloq ċiklu virtuż ta’ azzjonijiet u konsegwenzi. Il-limiti u r-regoli tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, stabbiliti u infurzati b’mod ambizzjuż u f’waqtu, flimkien ma’ miżuri settorjali effettivi, se jwasslu biex jittieħdu azzjonijiet kuraġġużi fil-livell nazzjonali u lokali. Dan se jwassal biex il-miri ambizzjużi għall-arja nadifa jintlaħqu aktar faċilment. Fil-fehma tal-Kumitat, l-opportunitajiet fattibbli kollha ta’ din il-katina ta’ azzjonijiet mhumiex ikkunsidrati bis-sħiħ fil-valutazzjoni tal-impatt u fil-Proposta. Kieku kienet preżenti fl-ippjanar inizjali tal-Proposta, l-għażla ta’ “allinjament sħiħ” (I-1) setgħet intgħażlet bħala t-triq ’il quddiem, mhux l-għażla inqas ambizzjuża I-2 ta’ “allinjament aktar mill-qrib”. |
Biex jikber l-għarfien pubbliku
|
3.18. |
Minkejja t-titjib mis-snin disgħin, il-kwalità tal-arja għadha ta’ tħassib serju għaċ-ċittadini Ewropej. Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej (aktar minn 80 %) jaħsbu li l-kundizzjonijiet tas-saħħa bħall-mard respiratorju, l-ażma, u l-mard kardjovaskulari huma problemi serji f’pajjiżhom li jirriżultaw mit-tniġġis tal-arja (15). |
|
3.19. |
Filwaqt li l-maġġoranza tal-Ewropej ma jħossuhomx infurmati tajjeb (60 %), kważi nofs dawk li wieġbu l-istħarriġ huma tal-fehma li l-kwalità tal-arja marret għall-agħar f’dawn l-aħħar għaxar snin (47 %). Minkejja l-fatt li l-għadd ta’ persuni esposti għall-arja mniġġsa ħafna naqas b’mod kostanti, dawk li huma esposti għadhom ibatu minn problemi kbar tas-saħħa u ma jesperjenzaw l-ebda evidenza tanġibbli li l-kwalità tal-arja ambjentali tjiebet. |
|
3.20. |
Għadu mhuwiex ċar kemm iċ-ċittadini jkunu lesti li jagħmlu, b’mod proattiv, sabiex itejbu, direttament jew indirettament, il-kwalità tal-arja ambjentali. Madankollu, is-sensibilizzazzjoni għandha effetti doppji: |
|
3.20.1. |
L-ewwel, l-Ewropej għandhom jitgħallmu dwar ir-rabta bejn l-istil ta’ ħajja tagħhom, l-azzjonijiet tagħhom, ix-xejriet tal-konsum tagħhom u l-livelli ta’ tniġġis. Rabta ċara bħal din tirriżulta f’aċċettazzjoni pubblika aħjar għall-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ politika, relatati mal-bidla fl-imġiba. |
|
3.20.2. |
It-tieni, l-effettività ta’ tali miżuri ta’ politika tkun ħafna ogħla u ġġib riżultati kumulattivi jekk iċ-ċittadini jitgħallmu dwar l-eżiti tal-bidla fl-imġiba tagħhom. It-titjib fil-kwalità tal-arja ambjentali huwa viżibbli għall-għajnejn b’mod ċar, speċjalment fl-ambjent urban, madankollu, id-data xjentifika, ippreżentata b’mod interattiv u faċli biex tinftiehem, tista’ tiffaċilita ċirku virtuż. Nies infurmati aħjar huma ħafna aktar motivati biex jaġixxu u l-bidla fl-imġiba fit-tul tista’ tinkiseb aktar faċilment. |
|
3.21. |
Ix-xjenza taċ-ċittadini taġixxi bħala fattur deċiżiv fit-tiswir tal-opinjoni pubblika dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mat-tniġġis u l-impatti tagħhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-suċċess ta’ inizjattivi bħal “CurieuzeNeuzen” (16), li aġixxew bħala xprun biex il-pubbliku jaċċetta ż-żoni b’emissjonijiet baxxi f’diversi bliet fil-Belġju, u jitlob li jiżdied il-finanzjament taħt il-programm Orizzont Ewropa għal proġetti tax-xjenza taċ-ċittadini relatati mat-tniġġis. |
4. Kummenti speċifiċi dwar is-sustanzi niġġiesa tal-arja ta’ tħassib emerġenti
Partiċelli ultrafini
|
4.1. |
Il-partiċelli ultrafini huma partiċelli b’dijametru ta’ 0,1 μm (100 nm inqas. Dawn il-partiċelli jirriżultaw minn sorsi naturali jew antropoġeniċi bħal attivitajiet ta’ kombustjoni. Minkejja l-evidenza dejjem tikber tal-impatt tal-partiċelli ultrafini fuq is-saħħa, dawn is-sustanzi niġġiesa mhumiex regolati mid-Direttivi attwali dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. Il-KESE jinnota ambizzjoni dejjem akbar biex l-għarfien eżistenti dwar l-impatt fuq is-saħħa jiġi ttrasformat f’rakkomandazzjonijiet ta’ politika, madankollu, hemm bżonn li tinġabar informazzjoni addizzjonali dwar il-kwistjoni. |
|
4.2. |
Għalhekk, il-KESE jappella għal azzjoni mmirata addizzjonali, permezz tal-programm Orizzont Ewropa, biex tiġi ffinanzjata r-riċerka dwar il-partiċelli ultrafini b’mod sistematiku. Minkejja n-nuqqas ta’ indikaturi speċifiċi dwar il-partiċelli ultrafini, jista’ jkun utli li tinbeda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni pubblika biex iċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati dwar ir-riskji “emerġenti” minn din il-klassi ta’ sustanzi niġġiesa mhux esposti biżżejjed. |
Karbonju iswed
|
4.3. |
Il-karbonju iswed huwa partiċelli fini ġġenerati mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili jew tal-bijomassa. Il-karbonju iswed għandu effetti negattivi fuq is-saħħa, għax jipprovoka mard tal-qalb jew tal-pulmun, iżda huwa wkoll aċċelleratur tat-tibdil fil-klima, peress li tunnellata ta’ karbonju iswed għandha effett ta’ tisħin globali sa 1 500 darba aktar b’saħħtu minn tunnellata ta’ CO2. |
|
4.4. |
Il-Kumitat iqis ir-referenzi għal studji, ipprovduti mid-WHO (17), li jsibu impatti statistikament sinifikanti fuq is-saħħa mill-esponiment għall-karbonju iswed f’livelli ta’ 1,08 sa 1,15 μg/m3. Madankollu, id-WHO ma tapprovax dawn il-livelli fir-rakkomandazzjoni tagħha dwar prattika tajba. Fil-fehma tal-Kumitat, dan m’għandux iservi ta’ skuża biex ma tittieħed l-ebda azzjoni dwar il-karbonju iswed. Bl-istess mod, għandhom jittieħdu azzjonijiet biex jitnaqqsu l-livelli ta’ partiċelli ultrafini bħal fuq PM2,5 u PM10,. L-istennija għal tliet jew ħames snin oħra ta’ evidenza minn xi proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE jew għal dokument ta’ gwida ieħor tad-WHO tfisser li ħajjet eluf ta’ ċittadini se tintilef u l-kriżi klimatika se tiġi aċċellerata. |
Ammonijaka
|
4.5. |
L-ammonijaka (NH3) hija kompost inorganiku tan-nitroġenu u tal-idroġenu. Il-livelli għoljin ta’ ammonijaka jagħmlu ħsara lill-pulmuni u huma kawża ta’ mortalità. L-NH3 huwa kontributur importanti għal-livelli eċċessivi tal-PM sekondarju. Dan jiddeterjora wkoll l-ambjent tagħna u jagħmel ħsara lill-bijodiversità permezz tal-aċidifikazzjoni u l-ewtrofikazzjoni. It-tnaqqis tal-ammonijaka jista’ jinkiseb fis-settur agroalimentari, fis-settur tat-trasport, u fis-settur tal-“użu tas-solventi u tal-prodotti”. |
|
4.6. |
Ma teżisti l-ebda rakkomandazzjoni tad-WHO għall-konċentrazzjonijiet tal-ammonijaka fl-arja ambjentali relatata mal-impatti fuq is-saħħa. Madankollu, l-impatt tagħha fuq is-saħħa u l-ambjent huwa ddokumentat sew (18), peress li l-emissjonijiet tal-ammonijaka jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ PM2,5 sekondarju, li għalih jeżistu l-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Kwalità tal-Arja. L-esperti ssuġġerew livell kritiku fit-tul għall-veġetazzjoni (pjanti ogħla) ta’ 3 μg/m3. |
|
4.7. |
Il-Proposta reċenti biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (19) u l-ambizzjoni ogħla tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet industrijali u tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-akbar farms tal-bhejjem tal-UE, tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka, minħabba li s-sors prinċipali tal-emissjonijiet tal-NH3 huwa l-agrikoltura, u madwar ¾ tal-emissjonijiet fl-UE huma kkawżati mill-ġestjoni tad-demel mit-trobbija tal-bhejjem (20). Madankollu, id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għandha tiġi implimentata b’mod proporzjonat u kosteffettiv sabiex tiġi evitata żieda addizzjonali fil-kostijiet tal-produzzjoni fis-settur agroalimentari (21). |
|
4.8. |
Sabiex jiġu żgurati s-saħħa u l-benesseri tal-għajxien tal-individwi, il-KESE jsostni li huwa meħtieġ ukoll mekkaniżmu ta’ appoġġ robust għall-individwi u l-industriji vulnerabbli biex is-soluzzjonijiet prattiċi dwar l-emissjonijiet tal-NH3 fit-trobbija tal-bhejjem ikunu disponibbli “fuq il-post”. Dan l-appoġġ għandu jinkludi finanzjament għal avvanzi teknoloġiċi magħrufa u aktar riċerka. B’mod ġenerali, l-impriżi tat-trobbija tal-bhejjem għandhom jitħeġġu jagħmlu bidliet favur l-ambjent u s-saħħa filwaqt li jżommu l-funzjoni kritika tal-provvista tal-oġġetti għall-popolazzjoni (22). |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) EEA, Health impacts of air pollution in Europe (Impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa (mhux disponibbli bil-Malti)).
(2) WHO, Ambient (outdoor) air pollution (Tniġġis tal-arja ambjentali (ta’ barra) (mhux disponibbli bil-Malti)).
(3) EEA, Europe’s air quality status 2022 (L-istatus tal-kwalità tal-arja tal-Ewropa fl-2022 (mhux disponibbli bil-Malti)).
(4) WHO, Global air quality guidelines (Linji gwida globali dwar il-kwalità tal-arja (mhux disponibbli bil-Malti)).
(5) Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
(6) Id-Direttiva 2004/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali (ĠU L 23, 26.1.2005, p. 3).
(7) CIRCABC, Air Policy (Politika dwar l-Arja (mhux disponibbli bil-Malti)).
(8) Ir-Riżoluzzjoni A/76/L.75 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u NAT/824
(9) Kummissjoni Ewropea, Il-kwalità tal-arja – reviżjoni tar-regoli tal-UE
(10) EEA, Health impacts of air pollution in Europe (Impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa (mhux disponibbli bil-Malti)).
(11) WHO, Global air quality guidelines (Linji gwida globali dwar il-kwalità tal-arja (mhux disponibbli bil-Malti)).
(12) EPA, Health Effects of Ozone in the General Population (Effetti fuq is-Saħħa tal-Ożonu fil-Popolazzjoni Ġenerali (mhux disponibbli bil-Malti)).
(13) Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istandards il-ġodda tal-emissjonijiet tal-vetturi Euro 7, peress li t-trasport bit-triq huwa l-kawża ewlenija tat-tniġġis tal-arja ambjentali fit-territorji urbani. In-nuqqas li tintlaħaq l-aspettattiva dwar l-Euro 7 huwa espress minn ħafna partijiet ikkonċernati (eż. Trasport u l-Ambjent).
(14) Il-KESE jinnota li l-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti (COM (2020) 789 final) tinkludi l-impenn tal-Kummissjoni li tniedi studju ddedikat dwar soluzzjonijiet li jippermettu “skemi ta’ restrizzjoni tal-aċċess għall-vetturi urbani” aktar effettivi u faċli għall-utent, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà.
(15) Ewrobarometru, L-Attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-Kwalità tal-Arja. Fil-COM(2021) 44 titqies rabta bejn il-kanċer u t-tniġġis. Il-KESE jqis li, fl-istħarriġiet futuri tal-Ewrobarometru, jeħtieġ li tiżdied mistoqsija dwar l-attitudnijiet għall-kanċer (kif ukoll id-dijabete u d-dimenzja) bħala konsegwenza tat-tniġġis tal-arja.
(16) CurieuzeNeuzen Vlaanderen Kampanji simili tmexxew minn gruppi tas-soċjetà ċivili fil-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u diversi pajjiżi oħra tal-UE.
(17) UNEP, Health effects of black carbon (Effetti fuq is-saħħa tal-karbonju iswed (mhux disponibbli bil-Malti)).
(18) UNECE, Towards Cleaner Air, Scientific Assessment Report 2016 (Lejn Arja Aktar Nadifa, Rapport ta’ Valutazzjoni Xjentifika 2016 (mhux disponibbli bil-Malti)).
(19) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).
(20) 76,2 % fl-2020, skont National air pollutant emissions dashboard (Id-dashboard nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja) (mhux disponibbli bil-Malti).
(21) Opinjoni tal-KESE dwar Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) u tar-Regolament dwar il-PRTR Ewropew, (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 130).
(22) Opinjoni tal-KESE dwar Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) u tar-Regolament dwar il-PRTR Ewropew, (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 130).
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/53 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Komunikazzjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE”
(COM(2022) 583 final)
(2023/C 146/09)
|
Relatur: |
Krister ANDERSSON |
|
Korelatur: |
Dominika BIEGON |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 19.12.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
1.2.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
23.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
202/3/7 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddeskrivi l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika. |
|
1.2. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal ftehim rapidu qabel il-proċessi baġitarji tal-Istati Membri għall-2024. Kif indikat mill-Kummissjoni, hemm ħtieġa urġenti għal koordinazzjoni politika baġitarja u strutturali b’saħħitha kif ukoll għal sorveljanza ekonomika u fiskali effettiva, li trawwem tkabbir inklużiv u tgħin lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jilħaq l-għanijiet miftiehma tiegħu. |
|
1.3. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li kien hemm nuqqas ta’ politiki prudenti mill-Istati Membri fi żminijiet tajbin (1), filwaqt li fl-istess ħin ir-regoli fiskali llimitaw il-marġni fiskali għall-immanuvrar matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’xi Stati Membri. |
|
1.4. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-pjan tal-Kummissjoni li żżomm il-valuri ta’ referenza. Il-kriterju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG għandu effett ta’ sinjal politiku u tas-suq. B’mod ġenerali, il-KESE jenfasizza li l-pjani strutturali fiskali għandhom jiżguraw li l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG jitqiegħdu fit-triq tan-niżla jew jibqgħu f’livelli prudenti. |
|
1.5. |
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li ma tibqax tapplika r-regola riġida ta’ 1/20 peress li tista’ tkun ta’ piż żejjed fuq l-Istati Membri b’dejn għoli, b’impatt negattiv fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà tad-dejn innifsu. Il-perjodu ta’ evalwazzjoni ta’ erba’ snin ta’ nofs it-terminu bħala referenza għall-aġġustamenti fiskali, u li jista’ jiġi estiż għal tliet snin addizzjonali fejn meħtieġ, jidher ukoll li huwa proporzjonat. |
|
1.6. |
Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq in-nefqa primarja netta bħala l-parametru ewlieni ta’ evalwazzjoni tal-governanza ekonomika l-ġdida. |
|
1.7. |
Il-KESE jinnota li l-politika fiskali hija l-qasam klassiku tal-politika parlamentari, billi taffettwa l-istruttura sħiħa tan-nefqa u d-dħul tal-Istat. Biex qafas riformat jirnexxi, is-sjieda tal-proċess hija kruċjali. |
|
1.8. |
Il-KESE jsostni li riforma soda tal-governanza ekonomika Ewropea hija meħtieġa b’mod urġenti fl-interess tal-persuni, il-kumpaniji u l-gvernijiet. Għalhekk huwa importanti li jiġu żviluppati aktar miżuri li jistgħu jittieħdu biex tissaħħaħ is-sjieda tar-regoli, biex b’hekk jiġi żgurat li l-gvernijiet kollha jkunu impenjati għal qafas rivedut. |
|
1.9. |
Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kbira li l-proposti leġiżlattivi li jmiss jistabbilixxu standards minimi ta’ sorveljanza parlamentari nazzjonali u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fir-rigward tal-abbozzar ta’ pjani strutturali fiskali nazzjonali fuq terminu medju. |
|
1.10. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal regoli adatti li jiżguraw infurzar b’saħħtu. Fil-każijiet ta’ eċċezzjoni fejn jiġu kkunsidrati s-sanzjonijiet, dawn iridu jkunu effettivi u implimentati b’mod trasparenti. Ir-regoli għandhom jiġu applikati b’mod ugwali għall-Istati Membri kollha sabiex tinżamm il-kredibbiltà. |
|
1.11. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li ż-żieda fil-kwalità u l-kwantità tal-investimenti pubbliċi hija deskritta bħala fattur li għandu jiġi kkunsidrat fil-proċess biex tinkiseb is-sostenibbiltà tad-dejn. Il-KESE jilqa’ wkoll l-estensjoni tal-perkors ta’ aġġustament li jista’ jingħata għal massimu ta’ tliet snin. |
|
1.12. |
Sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, l-istokk kapitali jeħtieġ li jiġi rivedut kompletament u l-investimenti pubbliċi u privati jiġu estiżi. Fil-passat, il-KESE appella għal miżuri biex jingħalaq id-distakk enormi fl-investiment (2). Il-Kumitat jenfasizza li jistgħu jkunu meħtieġa aktar inizjattivi biex jiġi żgurat li jiġi mobilizzat biżżejjed kapital privat u pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-koeżjoni soċjali. |
|
1.13. |
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tal-pjani fiskali-strutturali fuq terminu medju, l-Istati Membri huma mitlubin jippreżentaw rapporti ta’ progress annwali u jiddeskrivu fid-dettall l-istatus ta’ implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. Dawn ir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill imwettqa fil-kuntest tas-sorveljanza annwali għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. |
2. Sfond
|
2.1. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (3) tistabbilixxi prinċipji ġenerali għal qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat. Sabiex jittejjeb il-qafas attwali, l-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u trawwem tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz tal-investiment u r-riformi. |
|
2.2. |
In-nefqa primarja netta, jiġifieri n-nefqa taħt il-kontroll tal-gvern, se tikkwalifika bħala l-indikatur ewlieni kkunsidrat mill-Kummissjoni. In-nefqa primarja netta se tkun ukoll il-bażi għall-istabbiliment tal-perkorsi ta’ aġġustament fiskali u għat-twettiq ta’ sorveljanza fiskali annwali, bl-għan li jiġu ssimplifikati r-regoli attwali. |
|
2.3. |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa perkors ta’ aġġustament fiskali ta’ referenza għal kull Stat Membru fuq perjodu ta’ erba’ snin, ibbażat fuq metodoloġija stabbilita biex tanalizza u tivvaluta s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-perkors ta’ aġġustament għandu jiżgura li l-proporzjonijiet tad-dejn tal-Istati Membri bi sfidi speċifiċi tad-dejn ikunu fit-triq tan-niżla, filwaqt li jiġi żgurat li d-defiċit jibqa’ taħt it-3 % tal-PDG kif stabbilit fir-regoli tat-Trattat. |
|
2.4. |
Il-Kummissjoni se timmonitorja b’mod kostanti l-implimentazzjoni tal-pjani, filwaqt li tirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw rapporti ta’ progress annwali dwar l-applikazzjoni tal-pjani tagħhom sabiex l-attività ta’ monitoraġġ issir aktar effettiva u trasparenti. Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) se tibqa’, filwaqt li l-PDE bbażata fuq id-dejn se tissaħħaħ u tiġi attivata meta Stat Membru b’dejn ta’ aktar minn 60 % tal-PDG jiddevja mill-perkors tan-nefqa miftiehem. |
|
2.5. |
L-approċċ fuq terminu medju mħaddan mill-Kummissjoni se jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-Istati Membri abbażi tal-isfidi tas-sostenibbiltà tad-dejn tagħhom. Meta jitqies il-piż fuq l-Istati Membri b’dejn għoli, il-valur referenzjarju attwali għat-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn (l-hekk imsejħa regola 1/20) se jiġi sostitwit b’sorveljanza aktar ibbażata fuq ir-riskju biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi fuq it-tkabbir u fuq is-sostenibbiltà tad-dejn innifsu. |
|
2.6. |
Il-Kummissjoni biħsiebha ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ infurzar bħala kontroparti neċessarja ta’ sorveljanza bbażata fuq ir-riskju. L-għodod ta’ infurzar se jinkludu: i) sanzjonijiet finanzjarji effettivi, li se jiġu delimitati u jsiru aktar probabbli billi jitnaqqas l-ammont tagħhom; ii) sanzjonijiet għar-reputazzjoni fil-każ ta’ PDE jew devjazzjonijiet oħra; iii) il-kundizzjonalità makroekonomika għall-finanzjament tal-UE. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddeskrivi l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika. Fl-istess waqt, il-KESE jinnota li għad iridu jiġu definiti ħafna dettalji, u dan jippermetti biss valutazzjoni preliminarja. |
|
3.2. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal ftehim rapidu qabel il-proċessi baġitarji tal-Istati Membri għall-2024. Kif indikat mill-Kummissjoni, hemm ħtieġa urġenti għal koordinazzjoni politika baġitarja u strutturali b’saħħitha kif ukoll għal sorveljanza ekonomika u fiskali effettiva, li trawwem tkabbir inklużiv u tnaqqas l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi f’koordinazzjoni mal-azzjoni istituzzjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jilħaq l-għanijiet miftiehma tiegħu. |
|
3.3. |
Il-KESE japprezza l-approċċ olistiku tal-Kummissjoni ċċentrat fuq pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkopru l-objettivi fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment f’post wieħed. Tali pjani jagħtu lill-Istati Membri aktar flessibbiltà b’mod ġust u fi ħdan qafas ibbażat fuq ir-riskju li għandu jiġi evalwat f’nofs it-terminu. |
|
3.4. |
Il-KESE jappoġġja l-ambizzjoni u l-elementi ewlenin tal-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li ttejjeb is-sjieda nazzjonali, tissemplifika l-qafas, timxi lejn enfasi akbar fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar b’saħħtu u aktar koerenti (4). |
|
3.5. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li kien hemm nuqqas ta’ politiki prudenti mill-Istati Membri fi żminijiet tajbin (5), filwaqt li fl-istess ħin ir-regoli fiskali llimitaw l-marġni fiskali għall-immanuvrar matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’xi Stati Membri. Il-KESE josserva li s-snin li jippreżentaw prestazzjoni pożittiva tat-tkabbir għandhom ikunu assoċjati ma’ tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG, u b’hekk jinħoloq spazju għal flessibbiltà fiskali li għandha tintuża fis-snin ta’ riċessjoni. Fl-istess waqt, meta l-Istati Membri jiffaċċjaw staġnar jew reċessjonijiet profondi, hija meħtieġa flessibbiltà fiskali. Il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba li jippermetti lill-Istati Membri jwettqu politiki kontroċikliċi kredibbli fil-futur. |
|
3.6. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-pjan tal-Kummissjoni li żżomm il-valuri ta’ referenza, peress li “goalposts” numeriċi ċari għandhom effett ta’ sinjal politiku u tas-suq. Il-limitu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG huwa tabilħaqq stabbilit sew fit-Trattat, huwa magħruf sew, u huwa applikabbli b’mod uniformi għall-pajjiżi kollha tal-UE. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-pjani fiskali-strutturali għandhom jiżguraw li l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG jitqiegħdu fit-triq tan-niżla jew jibqgħu f’livelli prudenti. |
|
3.7. |
Skont il-KESE, jistgħu jkunu meħtieġa devjazzjonijiet fuq terminu qasir mill-livell limitu sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment massivi li bħalissa huma assoċjati mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali jew sabiex ikun hemm perkors ta’ aġġustament li ma jipperikolax it-tkabbir. |
|
3.8. |
Il-KESE jqis li l-qafas fuq terminu medju ppreżentat mill-Kummissjoni huwa raġjonevoli u kapaċi jiddistingwi bejn il-livelli differenti ħafna tal-proporzjon tad-dejn tal-Istati Membri, filwaqt li jippermetti approċċi modulari mmirati lejn sitwazzjonijiet nazzjonali eteroġeni fejn il-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG jistgħu jvarjaw minn inqas minn 60 % għal aktar minn 150 %. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li ma tibqax tapplika r-regola riġida ta’ 1/20 peress li tista’ tkun ta’ piż żejjed fuq l-Istati Membri b’dejn għoli, b’impatt negattiv fuq it-tkabbir u fuq is-sostenibbiltà tad-dejn innifsu. Il-perjodu ta’ evalwazzjoni ta’ erba’ snin ta’ nofs it-terminu bħala referenza għall-aġġustamenti fiskali, li jista’ jiġi estiż għal tliet snin addizzjonali fejn meħtieġ, jidher ukoll li huwa proporzjonat meta jitqiesu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u internazzjonali attwali u prevedibbli. |
|
3.9. |
Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq in-nefqa primarja netta bħala l-parametru ewlieni ta’ evalwazzjoni tal-governanza ekonomika l-ġdida. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li l-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jħaddnu investimenti pubbliċi mmirati, strateġiċi u mfassla tajjeb f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. Investimenti bħal dawn għandhom jiffurmaw sehem akbar tal-infiq tal-gvern, filwaqt li jinkoraġġixxu tkabbir inklużiv u sostenibbli. |
|
3.10. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kwalità tan-nefqa pubblika jeħtieġ li tittejjeb. Ir-riformi u l-investimenti li jsaħħu t-tkabbir għandhom jiġu ppreferuti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jsegwu perkors kredibbli għat-tnaqqis tad-dejn wara l-pandemija u fi żminijiet ta’ tensjonijiet internazzjonali. |
|
3.11. |
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal klawżoli liberatorji robusti biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn il-perkors ta’ aġġustament approvat ma setax jiġi rrispettat b’mod realistiku. Aderenza stretta mal-perkors miftiehem għan-nefqa primarja netta pluriennali se tippermetti li l-politika fiskali tkun kontroċiklika, filwaqt li turi tnaqqis fil-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG fi żminijiet tajbin u tippermetti r-rispons politiku meħtieġ fi żminijiet diffiċli (6), u tippermetti l-protezzjoni ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. |
|
3.12. |
Il-KESE jinnota li l-politika fiskali hija l-qasam klassiku tal-politika parlamentari, billi taffettwa l-istruttura sħiħa tan-nefqa u d-dħul tal-Istat. Biex qafas riformat jirnexxi, is-sjieda tal-proċess hija kruċjali. Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kbira li l-proposti leġiżlattivi li jmiss jistabbilixxu standards minimi ta’ sorveljanza parlamentari nazzjonali u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fir-rigward tal-abbozzar ta’ pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-parlamenti u s-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu involuti b’mod effettiv peress li s-sjieda tal-pjani ta’ riforma fiskali-strutturali fuq terminu medju se tkun b’saħħitha biss jekk il-partijiet interessati rilevanti kollha jkunu involuti b’mod adegwat (7). Il-parlamenti nazzjonali għandhom iżommu lill-gvernijiet responsabbli għall-politiki fiskali u ta’ riforma li jsegwu. |
|
3.13. |
Fil-każ ta’ bidla fil-gvern, għandhom ikunu possibbli emendi għall-pjani strutturali fuq terminu medju, dment li ma tkunx ipperikolata l-istabbiltà fuq perjodu medju ta’ żmien. Jekk il-gvernijiet jintroduċu miżuri diskrezzjonali dwar id-dħul, filwaqt li fl-istess ħin jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn inġenerali, għandu jkun possibbli adattament tal-perkors tan-nefqa mingħajr ma jkollhom għalfejn jerġgħu jgħaddu mill-proċess kollu ta’ validazzjoni tal-pjani fiskali-strutturali. |
|
3.14. |
Il-KESE jinnota li jekk il-proposti tal-Kummissjoni jiġu implimentati, il-Kummissjoni nnifisha jkollha aktar influwenza fuq il-politika fiskali tal-Istati Membri (8). Fl-istess waqt, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż isiru aktar vinkolanti, peress li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni jista’ jwassal għal tnaqqis fil-finanzjament tal-UE u perkors ta’ aġġustament aktar restrittiv. L-importanza tas-Semestru Ewropew tiżdied ukoll. Għalhekk huwa importanti li tingħata spinta lill-involviment tal-parlamenti nazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tissaħħaħ is-sjieda tas-sistema bbażata fuq ir-regoli. Il-funzjoni ta’ sorveljanza u skrutinju tal-Parlament Ewropew hija importanti, speċjalment għall-infurzar u l-miżuri korrettivi. Fl-istess waqt, il-prinċipju tas-sussidjarjetà u t-tqassim tal-kompetenzi fit-Trattati għandhom jiġu rispettati. |
|
3.15. |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħmel il-mekkaniżmi ta’ infurzar finanzjarji u reputazzjonali aktar effettivi f’każ ta’ devjazzjonijiet. Minħabba ż-żieda fil-flessibbiltà li jgawdu l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi fiskali, strutturali u ta’ investiment tagħhom fi ħdan il-pjani fiskali-strutturali nazzjonali, ir-regoli applikabbli għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Għalhekk, il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi fi żmien kmieni biżżejjed hija mħeġġa, biex b’hekk id-defiċits isiru aktar sostenibbli. |
|
3.16. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal regoli adatti li jiżguraw infurzar b’saħħtu. Fil-każijiet ta’ eċċezzjoni meta jiġu kkunsidrati s-sanzjonijiet, dawn iridu jkunu effettivi u implimentati b’mod trasparenti. Ir-regoli jridu jiġu applikati b’mod ugwali għall-Istati Membri kollha sabiex tinżamm il-kredibbiltà. Il-konsegwenzi u l-effetti soċjali possibbli fuq l-iżviluppi tas-sostenibbiltà tad-dejn għandhom ikunu parti mill-analiżi tal-infurzar. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Peress li l-pjani tan-nefqa primarja netta huma proposti biex isiru l-parametru ewlieni tal-evalwazzjoni, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm regoli ċari u trasparenti għall-kalkolu tan-nefqa primarja. Il-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad, għandhom għalhekk ikunu definiti b’mod oġġettiv u ċar, u miftiehma mill-Istati Membri kollha. |
|
4.2. |
Filwaqt li l-esklużjoni tan-nefqiet ċikliċi fuq il-qgħad fil-pjani tan-nefqa tista’ tkun komprensibbli, din m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jindirizzaw kwalunkwe ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol sabiex jitnaqqas il-qgħad strutturali peress li tali spejjeż, għalkemm mhux esklużi, jistgħu jżidu sostanzjalment it-tkabbir u l-impjiegi fit-terminu medju, u b’hekk itejbu s-sostenibbiltà tad-dejn. Fl-istess ħin, għandhom jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin fuq perjodu medju ta’ żmien. Huwa importanti li r-regoli jkunu ċari u robusti, filwaqt li jiġi żgurat li kwalunkwe tip ta’ “kontabbiltà kreattiva” ma tiġix segwita mill-Istati Membri. |
|
4.3. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li ż-żieda fil-kwalità u l-kwantità tal-investimenti pubbliċi hija deskritta bħala fattur li għandu jiġi kkunsidrat fil-proċess biex tinkiseb is-sostenibbiltà tad-dejn. Il-KESE jilqa’ wkoll l-estensjoni tal-perkors ta’ aġġustament, li jista’ jingħata għal massimu ta’ tliet snin, sakemm l-Istati Membri jirfdu l-pjani tagħhom b’sett ta’ riformi u investimenti li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u s-sostenibbiltà tad-dejn. |
|
4.4. |
Sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, l-istokk kapitali jeħtieġ li jiġi rivedut kompletament u l-investimenti pubbliċi u privati jiġu estiżi. Fil-passat, il-KESE appella għall-introduzzjoni ta’ regola tad-deheb tal-investimenti pubbliċi biex jiġi żgurat li d-distakk enormi fl-investiment jingħalaq. Dan mhuwiex parti mill-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni tinvolvi elementi importanti biex jissaħħu l-investimenti pubbliċi. Madankollu, mhuwiex verament possibbli li jiġu kkwantifikati l-investimenti pubbliċi li se jinħolqu peress li ħafna se jiddependi min-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-pjani fiskali-strutturali. Għalhekk, il-KESE jenfasizza li jistgħu jkunu meħtieġa aktar inizjattivi biex jiġi żgurat li jiġi mobilizzat biżżejjed kapital privat u pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-koeżjoni soċjali. |
|
4.5. |
Minħabba l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju propost mill-Kummissjoni Ewropea, l-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn (DSA) se ssir kruċjali fil-qafas futur tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-KESE jirrimarka li l-kalibrazzjoni tad-dettalji tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn, inkluż jekk ir-riskji relatati mal-klima humiex inklużi fid-DSA jew le, hija kwistjoni ta’ natura politika u għandha tiġi diskussa bir-reqqa mal-partijiet ikkonċernati kompetenti. Il-parametri finali tad-DSA jridu jiġu deċiżi b’mod demokratiku u trasparenti. Istituzzjonijiet fiskali indipendenti jista’ jkollhom rwol importanti fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tas-suppożizzjonijiet sottostanti billi jipparteċipaw fid-dibattitu u jagħtu informazzjoni lill-parlamenti nazzjonali. |
|
4.6. |
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tal-pjani fiskali-strutturali fuq terminu medju, l-Istati Membri huma mitlubin jippreżentaw rapporti ta’ progress annwali u jiddeskrivu fid-dettall l-istatus ta’ implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. Dawn ir-rapporti u l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fil-kuntest tas-sorveljanza annwali għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. |
|
4.7. |
Il-KESE jqis li ż-żieda fl-attenzjoni prevista għall-varjabbli relatati mal-flussi fil-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku jeħtieġ li tiġi speċifikata u kkwantifikata matul il-passi li jmiss tar-riforma tal-governanza ekonomika, biex b’hekk issir simetrika, operattiva u trasparenti. |
|
4.8. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit u żviluppat proċess adatt għall-ewwel skrinjar tal-iżbilanċi fir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (AMR) u li jiġi ddeterminat jekk jeżistux żbilanċi fir-rieżamijiet fil-fond (IDRs). Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu vvalutati fir-rigward tal-ixpruni tat-tkabbir Ewropej u l-impatti tagħhom fuq l-iżvilupp ekonomiku. It-tifsira tal-ħtieġa għal sorveljanza li tħares ’il quddiem bil-għan li l-iżbilanċi emerġenti jiġu identifikati u indirizzati malajr jeħtieġ li tiġi spjegata fid-dettall. |
|
4.9. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ regoli robusti, li jistgħu jiffunzjonaw f’kundizzjonijiet ekonomiċi li jinbidlu, u l-ħtieġa ta’ impenn u sjieda mill-Istati Membri. Sabiex jiżdiedu l-investimenti u l-livelli ta’ produttività madwar l-UE, ir-riforma tal-qafas fiskali m’għandhiex tiddewwem. |
|
4.10. |
Il-KESE jsostni li riforma soda tal-governanza ekonomika Ewropea hija meħtieġa b’mod urġenti fl-interess tal-persuni, il-kumpaniji u l-gvernijiet. Għalhekk huwa importanti li jiġu żviluppati aktar miżuri li jistgħu jittieħdu biex tissaħħaħ is-sjieda tar-regoli, biex b’hekk jiġi żgurat li l-gvernijiet kollha jkunu impenjati għal qafas rivedut. |
|
4.11. |
Il-KESE jinnota li ħafna mill-proċeduri previsti fil-proposta tal-Kummissjoni jeħtieġ li jitfasslu fid-dettall. Għalhekk, il-KESE jistenna bil-ħerqa li jesprimi l-fehmiet tiegħu u jagħti pariri dwar proposti aktar dettaljati matul l-2023. |
Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) COM(2022) 583 final, paġna 3.
(2) Opinjoni tal-KESE dwar riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p.11).
(3) COM(2022) 583 final.
(4) COM(2022) 583 final, paġna 1.
(5) COM(2022) 583 final, paġna 3.
(6) COM(2022) 583 final, paġna 16.
(7) Il-KESE jinnota l-kritika dwar l-involviment fqir tas-soċjetà ċivili fir-regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(8) Il-KESE jirrikonoxxi li biex unjoni monetarja tkun vijabbli, huma meħtieġa ċerti kundizzjonijiet fiskali u stabbiltà.
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/59 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023”
(COM(2022) 780 final)
(2023/C 146/10)
|
Relatur ġenerali: |
Gonçalo LOBO XAVIER |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 19.12.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
23.2.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
576 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/2/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumtat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-prijoritajiet ta’ politika ewlenin tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 biex jitwettqu l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Huwa ċar li, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni u x-xenarji attwali, fuq perjodu qasir ta’ żmien, l-unitajiet domestiċi vulnerabbli għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiġu protetti mill-agħar effetti tal-kriżi tal-enerġija, filwaqt li l-effiċjenza enerġetika xorta għandha tiġi promossa b’mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jemmen li l-politiki fuq terminu medju u twil għandhom jaċċelleraw it-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Huwa jaħseb ukoll li jeħtieġ li l-Unjoni tibbilanċja d-domanda għall-provvista tal-enerġija, filwaqt li tippreserva l-enerġija għax-xitwa u tevita spejjeż ogħla. Huwa kruċjali li jiġu appoġġjati miżuri li jagħtu spinta lill-effiċjenza fl-oqsma kollha. Dan għandu jsir filwaqt li tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku u jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja makroekonomika u politiki fiskali u monetarji koerenti. |
|
1.2. |
Il-KESE huwa konxju li fl-2023 iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew se jkun iddominat mill-implimentazzjoni effiċjenti tal-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs). Dawn il-pjani se jagħmlu enfasi qawwija fuq l-aġendi ta’ politika tal-Istati Membri, li jridu jipprovdu opportunità biex tingħata spinta lill-ekonomiji tagħhom. Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex torganizza djalogi mal-Istati Membri fil-bidu tal-2023. Dawn id-djalogi jistgħu jikkonsistu f’diskussjoni fil-fond bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinfluwenzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs). F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li dawn id-djalogi se jippromovu implimentazzjoni aħjar tal-RRPs u jgħinu biex jiġi żgurat li kwalunkwe tħassib jiġi indirizzat u identifikat aħjar permezz tas-CSRs. |
|
1.3. |
Il-KESE jħeġġeġ favur kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, kompetizzjoni effettiva u kunsiderazzjoni aħjar tat-tħassib tas-soċjetà ċivili sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Dan huwa saħansitra aktar importanti fid-dawl tal-gwerra u l-kriżi tal-enerġija. Il-KESE jappoġġja s-sejħa għal azzjoni li għandha tittieħed biex jissaħħaħ is-suq uniku. Il-KESE jemmen li x-xokkijiet reċenti jenfasizzaw l-importanza ta’ koordinazzjoni b’saħħitha ta’ politiki fiskali sodi u tal-bini ta’ buffers fiskali fi żminijiet tajbin li għandhom jintużaw matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u fl-istess ħin jindirizzaw id-defiċit soċjali peress li dawn jistgħu jipperikolaw it-tkabbir fil-perjodu medju ta’ żmien. Il-politiki fiskali għandu jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali permezz ta’ konsolidazzjoni gradwali u investiment u riformi li jsaħħu t-tkabbir sostenibbli. |
|
1.4. |
Il-KESE jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u deċiżjonijiet kuraġġużi li joħolqu inċentivi biex tiġi evitata d-dipendenza enerġetika tal-UE, speċjalment mir-Russja. Tali dipendenza tista’ tikkomprometti l-interessi tal-Unjoni u għandha tiġi indirizzata b’kuraġġ. |
|
1.5. |
Il-KESE jappella għal approċċ moderat, realistiku u bbilanċjat filwaqt li tiġi indirizzata l-inflazzjoni sabiex kulħadd jiġi involut fit-tfittxija għal soluzzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni kollha. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu attivi b’mod rigoruż fl-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet u jkunu attenti għal kwalunkwe falliment possibbli tas-suq. Il-gvernijiet għandhom joqogħdu attenti biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq l-aħjar analiżi empirika, filwaqt li jevitaw kritika mhux sostanzjata tal-atturi kummerċjali peress li tista’ twassal għal kunflitt bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jemmen ukoll li l-problema tista’ tissolva biss jekk il-gvernijiet, in-negozji u s-soċjetà ċivili organizzata jaħdmu flimkien.
Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jiffukaw bla heda fuq l-effiċjenza u l-ġustizzja fl-użu tar-riżorsi finanzjarji u riżorsi pubbliċi oħra disponibbli. Dan huwa kruċjali biex jiġu żgurati investimenti ġodda u ta’ kwalità. |
|
1.6. |
Il-KESE ser ikompli jargumenta li l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata (imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandu jkollha rwol akbar matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali. Il-KESE jemmen li kemm il-proċess tas-Semestru kif ukoll l-implimentazzjoni tal-RRPs jibbenefikaw minn parteċipazzjoni aħjar u aktar organizzata mill-organizzazzjonijiet involuti fil-KESE. Hemm bżonn ta’ “sens ta’ realiżmu” meta wieħed jitkellem dwar l-implimentazzjoni tal-politika. |
|
1.7. |
Il-KESE huwa konxju wkoll tal-ħtieġa li jsir investiment fil-ħiliet u fl-aġenda industrijali sabiex tassew isir l-aħjar użu mill-assi Ewropej eżistenti, jiġifieri l-investiment fl-innovazzjoni u x-xjenza, li jridu jiġu sfruttati għall-benefiċċju taċ-ċittadini. |
|
1.8. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkomunika aħjar maċ-ċittadini. Diskors b’saħħtu, affidabbli u komuni dwar l-isfidi u kif l-Unjoni hija mmobilizzata biex taħdem biex tegħleb dawn l-isfidi huwa fundamentali għaċ-ċittadini u se jevita nuqqas ta’ fehim dwar il-proġett Ewropew. L-investiment f’komunikazzjoni aħjar (u l-KESE mhux qed jitkellem dwar ir-reklamar) jista’ jkun bidla interessanti fir-retorika kontra l-proġett Ewropew u għandu jkun prijorità. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rwol tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Il-komunikazzjoni aħjar mas-soċjetà ċivili organizzata u l-konsultazzjoni magħha huma essenzjali u jimxu id f’id. |
2. Kuntest
|
2.1. |
Mhuwiex sigriet li l-Ewropa għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli f’dawn l-aħħar 70 sena. Qed tiffaċċja diversi sfidi ekonomiċi u soċjali kumplessi bil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li qed tkompli tifni l-ekonomija Ewropea, b’kontijiet tal-enerġija li qed jogħlew, rati għoljin ta’ inflazzjoni, nuqqas ta’ provvisti, livelli ogħla ta’ dejn u spejjeż tat-teħid b’self li qed jogħlew. Għalhekk wasal iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġi ddeterminat il-futur ta’ wieħed mill-aktar proġetti globali ta’ suċċess għall-progress soċjali, ekonomiku u kulturali. |
|
2.2. |
Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew 2023 biex tipproponi modi biex flimkien jingħelbu dawn l-isfidi u jissaħħu l-ekonomiji tagħna fit-tul, permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, fiskali, tax-xogħol u soċjali. L-għan huwa li jiġu żgurati provvisti tal-enerġija adegwati u affordabbli, tiġi ppreservata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u jiġu protetti l-unitajiet domestiċi u n-negozji vulnerabbli, jiġu stimulati t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u titlesta t-tranżizzjoni doppja. |
|
2.3. |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2023 jiddeskrivi l-prijoritajiet ta’ politika fis-sena li ġejja u jistabbilixxi aġenda għat-tisħiħ ta’ din il-koordinazzjoni sabiex jittaffa l-impatt negattiv, jiġu indirizzati l-isfidi attwali u tiżdied ir-reżiljenza soċjali u ekonomika filwaqt li jitrawwem tkabbir sostenibbli u inklużiv, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Bil-għan li titrawwem is-sostenibbiltà kompetittiva, l-erba’ prijoritajiet huma l-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika. |
|
2.4. |
L-aġenda tal-politika ekonomika u tal-impjiegi għandha tiffoka fuq l-appoġġ liċ-ċittadini u lill-kumpaniji biex jiffaċċjaw l-isfidi maħluqa miż-żieda fl-ispejjeż u fil-provvista tal-enerġija, u, fl-istess ħin, biex tkompli bl-isforzi biex trawwem it-tkabbir sostenibbli u fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll biex iżżid il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza ekonomika. |
|
2.5. |
Skont dan il-prinċipju, il-proposti għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) huma mistennija fir-rebbiegħa tal-2023, bir-rapporti tal-pajjiżi jiffukaw fuq:
|
|
2.6. |
Fir-rigward taż-żona tal-euro, il-Kummissjoni identifikat ħames rakkomandazzjonijiet għall-2023:
|
3. Kummenti speċifiċi
3.1. Is-Semestru Ewropew u l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata
|
3.1.1. |
Is-Semestru Ewropew għadu l-qafas prinċipali u stabbilit sew għal politiki ta’ koordinazzjoni aktar effettivi bejn l-Istati Membri. Koordinazzjoni bħal din tat il-frott tagħha, peress li l-irkupru tal-UE wara l-COVID kien l-aktar rapidu mill-boom ta’ wara l-gwerra u s-swieq tax-xogħol tagħna wrew li huma reżiljenti, b’livell rekord ta’ impjiegi. Bħala parti mis-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (inkluża l-fergħa REPowerEU addizzjonali tagħha), il-KESE se jkompli jkun fil-qalba tal-proċess ta’ trasformazzjoni biex tinkiseb sostenibbiltà kompetittiva. F’konformità ma’ dan, il-KESE ser ikompli jippromovi konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li taqdi rwol akbar matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew sabiex jitqiesu d-diversi interessi fis-soċjetà u tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali. |
|
3.1.2. |
Il-KESE bħalissa qed iwettaq eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri sabiex jikseb ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward (1). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, imħabbra f’Lulju 2022 (2), li din is-sena tippreżenta Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rwol tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. |
|
3.1.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tespandi u tipprovdi qafas ċar għall-forums eżistenti taħt is-Semestru Ewropew biex tinforma u tinvolvi lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul iċ-ċiklu tas-Semestru, sabiex ġenwinament isiru atturi rilevanti fil-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg fil-livell tal-UE. |
3.2. Kriżi ġeopolitika — gwerra fl-Ukrajna
|
3.2.1. |
Il-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jippreżentaw lill-ekonomija u lis-soċjetà tal-UE b’diversi diffikultajiet ekonomiċi ġodda, li jaffettwaw l-istabbiltà ekonomika u soċjali ġenerali u l-provvisti tal-enerġija tagħha. L-UE trid tkompli ssegwi kemm is-sostenibbiltà kompetittiva kif ukoll ir-reżiljenza soċjali u ekonomika. Fil-futur immedjat, huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ biex itaffu l-impatt tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-Ewropej u d-ditti tal-UE, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u dawk li jiggwadanjaw dħul baxx jew medju. |
|
3.2.2. |
Il-kriżi tal-enerġija, b’mod partikolari, hija l-aktar fattur rilevanti: flimkien ma’ livell għoli ħafna ta’ inflazzjoni, dan se jkollu impatt kbir fit-tul. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni immedjata biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar fuq terminu qasir u medju, filwaqt li tiġi ġestita wkoll it-tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġust. F’ħafna pajjiżi, il-produzzjoni tal-enerġija mhijiex fl-istess livell bħall-konsum tal-enerġija. |
|
3.2.3. |
Il-KESE jemmen li l-possibbiltà li tiżdied il-produzzjoni u li jittieħed vantaġġ mill-kundizzjonijiet u r-riżorsi partikolari disponibbli f’xi pajjiżi, bħall-enerġija mix-xemx, mill-mewġ u mir-riħ, għad trid tiġi esplorata minn xi gvernijiet, li għadhom ma stabbilixxewx pjani biex jipproduċu l-enerġija mir-riżorsi tagħhom stess. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija l-leġiżlazzjoni kumplessa żżejjed jew maħsuba ħażin u l-burokrazija eċċessiva li għadha teżisti f’ħafna Stati Membri. Dan ma jiffaċilitax il-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, minkejja l-potenzjal enormi. Irridu nkunu kuraġġużi u nagħmlu l-isforzi kollettivi meħtieġa. Dan jeħtieġ investiment, speċjalment mis-settur privat. Madankollu, l-investiment pubbliku se jkompli jkollu rwol ewlieni fl-ilħuq tal-miri tal-Patt Ekoloġiku kif ukoll fis-salvagwardja tal-prosperità u l-kompetittività futura tagħna u fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE. Dan għandu jiġi rifless ukoll fil-politika ta’ koeżjoni. |
3.3. Inflazzjoni
|
3.3.1. |
Il-livell għoli ta’ inflazzjoni, ikkawżat b’mod partikolari miż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, qed ikollu impatt negattiv ħafna fuq il-ħaddiema u n-negozji, l-istabbiltà finanzjarja, il-parità tal-kapaċità tal-akkwist u l-istabbiltà ekonomika u soċjali. L-inflazzjoni fid-dinja u fl-UE hija fenomenu kumpless, kemm f’termini tal-oriġini kif ukoll tas-soluzzjonijiet għaliha. L-aktar fatturi immedjati u importanti tagħha huma l-ostakli fil-provvista fil-proċess ta’ rkupru rapidu mir-reċessjoni pandemika, f’kuntest ta’ politika monetarja espansjonarja, ikkombinata mal-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-inflazzjoni taffettwa l-atturi ekonomiċi u l-gruppi soċjali kollha, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa u l-aktar żvantaġġati. Il-ħaddiema u l-konsumaturi qed jaraw tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tagħhom u ħafna kumpaniji qed jaraw tnaqqis fil-marġnijiet ta’ profitt tagħhom. L-ispekulaturi u ċerti setturi ekonomiċi biss, bħas-settur tal-enerġija, qed jaraw il-profitti tagħhom jiżdiedu drastikament. Sabiex ilaħħqu mal-inflazzjoni, l-Istati Membri adottaw approċċi differenti biex jikkontrollawha, bħall-appoġġ biex jiġu evitati żidiet fil-prezzijiet fis-setturi tal-ikel, sforzi biex il-pagi jinżammu f’bilanċ, flimkien ma’ politiki ekonomiċi. Għadna ’l bogħod milli nilħqu l-għanijiet tagħna u minn soluzzjoni li tissalvagwardja l-benesseri ekonomiku u soċjali. |
|
3.3.2. |
L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom ikunu attivi b’mod rigoruż fl-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet u jkunu attenti għal kwalunkwe falliment possibbli tas-suq. Il-gvernijiet għandhom joqogħdu attenti biex jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikunu bbażati fuq l-aħjar analiżi empirika, filwaqt li jevitaw kritika mhux sostanzjata tal-atturi kummerċjali peress li tista’ twassal għal kunflitt bejn iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali. |
|
3.3.3. |
Il-ġlieda kontra l-inflazzjoni għandha tkun il-prijorità ewlenija ta’ politika ekonomika Ewropea kkoordinata bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali, meta japplikaw politiki monetarji stretti, għandhom iqisu li l-proċess inflazzjonarju mhuwiex ikkawżat minn domanda eċċessiva u għandhom jipprevjenu li d-deċiżjonijiet tagħhom iwasslu għal reċessjoni ġdida. Il-KESE jħeġġeġ lill-BĊE biex inaqqas l-inflazzjoni bażi mingħajr ma jikkomprometti l-irkupru ekonomiku tal-UE. Minħabba r-riskji msemmija hawn fuq, il-BĊE għandu jipproċedi b’kawtela biex jinnormalizza l-politika monetarja (3). L-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu miżuri biex jgħinu lis-setturi l-aktar żvantaġġati tal-popolazzjoni u lill-kumpaniji l-aktar milquta. Il-konsultazzjoni tripartitika, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għandhom isiru strumenti ewlenin biex tiġi indirizzata l-kriżi inflazzjonarja permezz ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet u biex jitfasslu miżuri biex din tingħeleb fid-diversi setturi tal-ekonomija. Għalhekk, il-KESE huwa favur miżuri bħal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija sabiex jiġu moderati t-tendenzi inflazzjonarji. |
3.4. L-objettivi ambjentali tal-UE/Il-kriżi tal-enerġija
|
3.4.1. |
Il-KESE jkompli jippromovi dak li kien qed jippromovi f’dawn l-aħħar xhur: minkejja l-kriżijiet il-ġodda, ma nistgħux nabbandunaw l-objettivi stabbiliti fil-livell tal-UE: id-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali. Irridu nsaħħu n-negozji u l-ħaddiema u nawtonomizzaw liċ-ċittadini kollha biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet sabiex insegwu l-objettivi ambjentali fit-tul tagħna. |
|
3.4.2. |
Għalhekk, il-KESE huwa favur miżuri li jikkoordinaw il-prezzijiet tal-enerġija sabiex jimmoderaw it-tendenzi inflazzjonarji. Il-prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi għandhom ikunu waħda mill-prijoritajiet tal-politika ekonomika tal-UE. Il-KESE jappoġġja l-iffissar ta’ limitu massimu tal-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass, u jirrimarka li f’Opinjonijiet u Riżoluzzjonijiet preċedenti talab riforma urġenti tas-sistema tal-irkant tal-prezzijiet marġinali fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa, minħabba n-natura intrinsikament inflazzjonarja tiegħu. L-investiment fl-enerġija ekoloġika huwa fundamentali biex jintlaħaq dan l-għan. |
|
3.4.3. |
Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan REPowerEU biex tagħmel l-UE indipendenti mill-provvista Russa tal-gass u taż-żejt, u l-KESE laqa’ dan il-pjan u jaqbel mal-approċċ b’erba’ pilastri li jiffoka fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-gass, u s-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili billi jiġu aċċellerati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u s-soluzzjonijiet ta’ finanzjament (4). Fl-istess ħin, il-KESE jitlob li s-sigurtà tal-provvista tkun garantita bi spiża “kemm jista’ jkun affordabbli” kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-industrija. Il-KESE jirrimarka li l-modifika mill-Istati Membri tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom sabiex jissottomettu kapitolu ddedikat dwar REPowerEU hija opportunità addizzjonali għalihom biex jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili organizzata u biex iqisu l-fehmiet tagħha. |
|
3.4.4. |
Il-KESE jenfasizza li jistgħu jkunu meħtieġa aktar inizjattivi biex jiġi żgurat li jiġi mobilizzat biżżejjed kapital privat u pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li koordinazzjoni aħjar tal-użu tal-fondi finanzjarji eżistenti għandha tkun prijorità. Il-proċess ta’ komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni jkun utli ħafna fil-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini lejn għan komuni. |
3.5. Il-kriżi soċjali u ekonomika/Nuqqas ta’ ħiliet u persuni kwalifikati
|
3.5.1. |
Għalkemm ir-rata tal-qgħad fl-UE hija biss ta’ 6 %, għadna qed niffaċċjaw id-diffikultà li nsibu n-nies bil-ħiliet meħtieġa biex inwettqu r-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna u biex nilħqu l-objettivi tat-tranżizzjoni doppja tagħna. Hemm nuqqas sinifikanti ta’ persuni tas-sengħa għal ħafna impjiegi ewlenin f’xi pajjiżi, mhux l-inqas minħabba li ħafna żgħażagħ qed jitilqu minn pajjiżhom biex jaħdmu x’imkien ieħor. Minbarra t-taħriġ ewlieni li għandu jiġi promoss, nitilfu proporzjon sinifikanti ta’ impjegati tas-sengħa ladarba jitħarrġu. Sabiex insaħħu l-istrateġija awtonoma tal-UE rridu nreġġgħu lura xi wħud mil-linji ta’ produzzjoni fl-Ewropa, iżda m’għandniex in-nies tas-sengħa biex jaħdmu f’dawn il-fabbriki fl-Ewropa. Din is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata fuq bażi kontinwa. |
|
3.5.2. |
Il-KESE jenfasizza li l-provvista ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja hija waħda mill-aħjar modi biex jiġu attirati persuni bi kwalifiki għoljin. Barra minn hekk, li jitħallsu pagi ġusti għall-għajxien, l-iżgurar ta’ relazzjonijiet tax-xogħol formali biex jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, l-offerta ta’ programmi estensivi ta’ titjib tal-ħiliet, l-għoti ta’ kundizzjonijiet eċċellenti ta’ saħħa u sikurezza u l-ħidma għal bilanċ bejn il-ġeneri, flimkien ma’ protezzjoni soċjali adegwata fil-livell nazzjonali, mhumiex biss għanijiet fihom infushom, iżda huma wkoll il-bażi għal żvilupp ekonomiku u politiku favorevoli. Barra minn hekk, il-KESE jappella għall-użu responsabbli ta’ politiki bbilanċjati u kkombinati (bejn sistemi ta’ taħriġ pubbliċi u privati biex isir użu aħjar mir-riżorsi finanzjarji disponibbli) fil-kuntest tat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet. |
3.6. Id-dejn u l-investimenti pubbliċi u privati
|
3.6.1. |
L-UE qed tiffaċċja ħtieġa urġenti u dejjem tikber għal investiment pubbliku u privat biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u t-trasformazzjoni diġitali, biex tiġi aċċelerata t-tranżizzjoni tal-enerġija u biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tal-awtonomija strateġika. Minn naħa waħda, l-Unjoni trid tegħleb id-defiċit tal-investiment ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, u min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Istati Membri jridu jnaqqsu d-defiċit u d-dejn pubbliku tagħhom. Dan għandu jsir b’mod ibbilanċjat ħafna iżda deċiżiv. |
|
3.6.2. |
Fl-istess ħin, il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali, qabel kwalunkwe żieda straordinarja fir-riżorsi tal-UE għall-investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat, li jintużaw bis-sħiħ ir-riżorsi kollha eżistenti fid-diversi programmi — Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, InvestEU, eċċ. Għal dan l-għan, għandu jiġi previst l-ogħla livell possibbli ta’ flessibbiltà fl-użu tagħhom — kemm f’termini ta’ objettivi kif ukoll ta’ skadenzi għall-implimentazzjoni — dejjem b’mod kompatibbli mal-monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni adegwata tagħhom. Il-KESE jemmen li l-idea ta’ proġetti komuni bejn l-Istati Membri tista’ tkun idea interessanti biex jiġu stimulati l-investiment u r-riformi strutturali. |
|
3.6.3. |
Il-KESE jenfasizza li huwa meħtieġ progress fit-tlestija tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja biex jiġu ggarantiti settur u swieq finanzjarji li jiffunzjonaw tajjeb, li huma kruċjali biex jiġu ffinanzjati l-investimenti kbar ħafna meħtieġa għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja filwaqt li tiġi stabbilita wkoll l-aġenda għall-finanzi sostenibbli għandu jikkonsolida l-mezzi ta’ finanzjament, jippromovi l-isforzi ta’ investiment u jżid ir-reżiljenza. |
|
3.6.4. |
Kemm il-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll l-invażjoni Russa kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-bilanċ estern. Il-KESE jappella għal żieda fl-investiment bħala l-mutur ewlieni tal-kompetittività tal-UE. |
|
3.6.5. |
Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi diġà disponibbli qabel ma jitolbu oħrajn ġodda. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal aktar flessibbiltà fl-użu tal-fondi finanzjarji tal-UE sabiex dawn jiġu orjentati mill-ġdid jekk ma jkunux jistgħu jintużaw għall-finijiet li għalihom kienu maħsuba oriġinarjament jew jekk l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali jew tad-difiża jirrikjedu adattament. Fejn meħtieġ, l-UE għandha toħloq ukoll il-kundizzjonijiet u l-istrumenti adegwati sabiex jiżdied l-investiment pubbliku u tiġi ffaċilitata mobilizzazzjoni akbar tal-investiment privat. Dan għandu jsir biex jintlaħqu objettivi strateġiċi u ta’ awtonomija komuni, u mingħajr ma jiġi pperikolat jew żbilanċjat il-funzjonament tas-suq uniku tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi finanzjarji allokati: l-Istati Membri jeħtieġ jimpenjaw ruħhom li jispjegaw fejn u kif jintefqu dawn ir-riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, il-KESE jindika wkoll il-ġbir effiċjenti tad-dħul fil-kuntest tas-sostenibbiltà fiskali. Pereżempju, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa jikkawżaw ukoll ħsara kbira lill-baġits pubbliċi. Kollox ma’ kollox, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv huwa l-aħjar bażi għall-istabbiltà fiskali. Minkejja dan ta’ hawn fuq, it-tlestija tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku u l-objettiv li tinkiseb awtonomija strateġika tal-enerġija u industrijali, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tas-suq uniku, se jirrikjedu finanzjament Ewropew addizzjonali, kif propost f’Riżoluzzjoni tal-KESE adottata f’Mejju 2022 (5). |
Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Ir-riżultati se jinġabru fil-qosor u se jitfasslu rakkomandazzjonijiet ċari f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja li għandha tiġi ppreżentata lill-plenarja f’April 2023.
Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE — The EESC’s recommendations for a solid reform of the European Semester (ECO/600) (għad mhux disponibbli bil-Malti), li għandha tiġi ppreżentata għall-adozzjoni f’April 2023
(2) Rapport ta’ rieżami dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — 29.7.2022
(3) Opinjoni tal-KESE — Kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2022 (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 43).
(4) Opinjoni tal-KESE — Pjan REPowerEU — adottata fil-21 ta’ Settembru 2022 (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 185).
Rettifika
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/65 |
Rettifika għas-subintestatura “IL-575 SESSJONI PLENARJA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, 14.12.2022–15.12.2022” fit-Taqsima I (Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet), taħt l-intestatura “IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW”
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 140 tal-21 ta’ April 2023 )
(2023/C 146/11)
Fil-paġna tal-qoxra u f’paġna 1, is-subintestatura,
|
minflok: |
“IL-575 SESSJONI PLENARJA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, 14.12.2022–15.12.2022”, |
|
aqra: |
“IL-575 SESSJONI PLENARJA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, 24.1.2023–25.1.2023”. |
|
27.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 146/66 |
Rettifika għas-subintestatura “IL-575 SESSJONI PLENARJA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, 14.12.2022–15.12.2022” fit-Taqsima III (Atti preparatorji), taħt l-intestatura IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW”
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 140 tal-21 ta’ April 2023 )
(2023/C 146/12)
Fil-paġna tal-qoxra u f’paġna 28, is-subintestatura,
|
minflok: |
“IL-575 SESSJONI PLENARJA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, 14.12.2022–15.12.2022”, |
|
aqra: |
“IL-575 SESSJONI PLENARJA TAL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, 24.1.2023–25.1.2023”. |