ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 133I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
17 ta' April 2023


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 133 I/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Emendi għall-Avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida supplimentari dwar restrizzjonijiet vertikali f’akkordji dwar il-bejgħ u t-tiswija ta’ vetturi bil-mutur u d-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil għal vetturi bil-mutur

1


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 133/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Emendi għall-Avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida supplimentari dwar restrizzjonijiet vertikali f’akkordji dwar il-bejgħ u t-tiswija ta’ vetturi bil-mutur u d-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil għal vetturi bil-mutur

(2023/C 133 I/01)

1.   

L-Avviż tal-Kummissjoni – Linji gwida supplimentari dwar restrizzjonijiet vertikali f’akkordji dwar il-bejgħ u t-tiswija ta’ vetturi bil-mutur u d-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil għal vetturi bil-mutur (1) huwa b’dan emendat kif ġej.

2.   

Fil-paragrafu 2, “Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma” hija sostitwita b’“Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma”. Il-kontenut tan-noti 3 u 4 f’qiegħ il-paġna huwa sostitwit b’“ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4.” u “ĠU C 248, 30.6.2022, p. 1.” rispettivament.

3.   

Il-paragrafu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(17)

L-akkordji ma jibbenefikawx mir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur jekk ikun fihom restrizzjonijiet fundamentali. Dawn ir-restrizzjonijiet huma elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali u fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur. Billi r-restrizzjonijiet fundamentali huma restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni li fir-rigward tagħhom huwa preżunt li ġeneralment jirriżultaw fi ħsara netta għall-kompetizzjoni, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni se tkun iggwidata mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin meta tivvaluta akkordji vertikali fis-settur tal-vetturi bil-mutur li jkun fihom restrizzjonijiet fundamentali: (a) meta restrizzjoni fundamentali skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali u tal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur tkun inkluża f’akkordju, dak l-akkordju x’aktarx li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat; u (b) akkordju li jinkludi restrizzjoni fundamentali skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali u tal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur x’aktarx li ma jkunx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Madankollu, impriża tista’ turi li, fil-każ individwali, tali akkordju jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Għal dak il-għan, l-impriża trid tissostanzja li huwa probabbli li jkun hemm effiċjenzi u li l-effiċjenzi x’aktarx li jirriżultaw mill-inklużjoni tar-restrizzjoni fundamentali fl-akkordju, kif ukoll turi li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħra tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.”.

4.   

Il-paragrafu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(19)

“Partijiet jew tagħmir oriġinali tfisser partijiet jew tagħmir manifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni pprovduti mill-manifattur tal-vettura bil-mutur għall-produzzjoni ta’ partijiet jew tagħmir għall-assemblaġġ tal-vettura bil-mutur inkwistjoni (ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 55(5) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (2)).”.

5.   

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 21 hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Artikolu 4(f) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali jiddiskriviha bħala restrizzjoni fundamentali għal akkordju bejn fornitur tal-komponenti u xerrej li jinkorpora dawk il-komponenti, għall-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-kompetenza tal-fornitur milli jbigħ il-komponenti tiegħu lill-utenti finali, lill-garaxxijiet tat-tiswija indipendenti, lill-bejjiegħa bl-ingrossa jew lill-fornituri oħra tas-servizzi li mhux fdati mix-xerrej bit-tiswija jew isservisjar tal-oġġetti tiegħu.”.

6.   

L-aħħar żewġ sentenzi tal-paragrafu 26 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-obbligi nonkompetittivi li huma mġedda b’mod taċitu wara perjodu ta’ ħames snin huma koperti mir-Regolamenti dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija, dment li x-xerrej ikun jista’ jinnegozja mill-ġdid jew jittermina b’mod effettiv l-akkordju vertikali li fih l-obbligu b’perjodu ta’ avviż raġonevoli u bi spiża raġonevoli, biex b’hekk ix-xerrej ikun jista’ effettivament ibiddel il-fornitur tiegħu wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin.”.

7.   

Il-paragrafu 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 1(1)(f) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali jiddefinixxi obbligu ta’ nonkompetizzjoni bħala “kwalunkwe obbligu dirett jew indirett li jġiegħel lix-xerrej ma jimmanifatturax, jixtri, jbigħ jew ibigħ mill-ġdid oġġetti jew servizzi li jikkompetu mal-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt, jew, kwalunkwe obbligu dirett jew indirett fuq ix-xerrej li jixtri mill-fornitur jew minn impriża oħra magħżula apposta mill-fornitur aktar minn 80 % tax-xiri totali tiegħu tal-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt u s-sostituti tagħhom fis-suq rilevanti, ikkalkulat fuq il-bażi tal-valur jew, meta tali prattika industrijali tkun standard, fuq il-bażi tal-volum tax-xiri tiegħu fis-sena kalendarja preċedenti.”.

8.   

Fil-paragrafu 34, il-kontenut tan-nota 19 f’qiegħ il-paġna huwa sostitwit b’“Ara l-Linji Gwida Vertikali Ġenerali fil-paragrafu 310”.

9.   

Fil-paragrafu 38, “Taqsima VI.2.1 tal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali” hija sostitwita b’“Taqsima 8.2.1 tal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali”.

10.   

Fil-paragrafu 40, “Taqsima VI.2.1 tal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali” hija sostitwita b’“Taqsima 8.2.1 tal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali”.

11.   

L-ewwel sentenza tal-paragrafu 44 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(44)

Billi kriterji kwalitattivi jillimitaw indirettament in-numru ta’ distributuri jew garaxxijiet tat-tiswija, billi jimponu kundizzjonijiet li ma jistgħux jintlaħqu minnhom kollha, kriterji kwantitattivi jillimitaw in-numru ta’ distributuri jew ta’ garaxxijiet tat-tiswija direttament billi, pereżempju, jiffissaw in-numru tagħhom.”.

12.   

Il-paragrafu 46 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(46)

L-akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva se jiġu vvalutati f’konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fit-Taqsima 4.6.2 tal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali. Ir-Regolamenti dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija jeżentaw akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva, irrispettivament min-natura tal-prodott jew min-natura tal-kriterji selettivi applikati, kemm jekk kwantitattivi kif ukoll jekk kwalitattivi, sakemm l-ishma mis-suq tal-partijiet ma jaqbżux it-30 %. Madankollu, dik l-eżenzjoni hija kondizzjonali fuq l-akkordji li ma jkun fihom l-ebda waħda mir-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali u fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija fil-qasam tal-Vetturi bil-Mutur, jew xi waħda mir-restrizzjonijiet esklużi deskritti fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali li ma jistgħux jiġu sseparati mill-bqija tal-akkordju. Fil-każ li r-restrizzjoni eskluża tista’ tiġi sseparata, il-kumplament tal-akkordju vertikali jkompli jibbenefika mill-eżenzjoni sħiħa.”.

13.   

Il-paragrafu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(47)

Hemm tliet restrizzjonijiet fundamentali fir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali li għandhom x’jaqsmu speċifikament mad-distribuzzjoni selettiva. L-Artikolu 4(c)(i) tiegħu jiddeskrivi bħala fundamentali r-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jistgħu attivament jew passivament ibigħu l-oġġetti jew is-servizzi tal-kuntratt. Hemm eċċezzjonijiet għal din ir-restrizzjoni fundamentali bħar-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u l-klijenti tagħhom f’territorju ieħor jew lil grupp ta’ klijenti riżervat lill-fornitur jew allokat lill fornitur sa massimu ta’ ħames distributuri esklużivi (l-Artikolu 4(c)(i)(1) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali); ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv u passiv mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u l-klijenti tagħhom lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu fit-territorju li fih topera tali sistema (l-Artikolu 4(c)(i)(2) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali); ir-restrizzjoni tal-post ta’ stabbiliment tal-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva (l-Artikolu 4(c)(i)(3) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali); ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali mill-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa (l-Artikolu 4(c)(i)(4) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali); u r-restrizzjoni tal-kapaċità li b’mod attiv jew passiv jinbiegħu komponenti, fornuti għall-finijiet ta’ inkorporazzjoni, lil klijenti li jużawhom biex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ oġġetti bħal dawk prodotti mill-fornitur (l-Artikolu 4(c)(i)(5) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali). L-Artikolu 4(c)(ii) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali jiddeskrivi bħala fundamentali r-restrizzjoni ta’ provvisti inkroċjati bejn distributuri f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fl-istess livell jew f’livelli differenti ta’ kummerċ. L-Artikolu 4(c)(iii) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali jiddeskrivi bħala fundamentali ir-restrizzjoni tal-bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera fil-livell tal-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(c)(i)(1) u fl-Artikolu 4(c)(i)(3) tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali Ġenerali. Dawn it-tliet restrizzjonijiet fundamentali għandhom rilevanza speċjali għad-distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur.”.

14.   

Fil-paragrafu 51, “Artikolu 4(c)” huwa sostitwit b’“Artikolu 4(c)(iii)”.

15.   

Il-paragrafu 53 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(53)

Kif inhu spjegat fil-paragrafu 175 tal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali, ir-riskji possibbli tal-kompetizzjoni li ġġib id-distribuzzjoni selettiva huma tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki stess u, b’mod partikolari fil-każ ta’ effett kumulattiv, esklużjoni ta’ ċertu tip(i) ta’ distributuri, kif ukoll tnaqqis fil-kompetizzjoni u faċilitazzjoni ta’ kollużjoni bejn il-fornituri jew ix-xerrejja, minħabba l-limitazzjoni tan-numru ta’ xerrejja.”.

16.   

L-aħħar sentenza tal-paragrafu 54 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 43 ta’ dawn il-Linji gwida.”.

17.   

L-aħħar sentenza tal-paragrafu 60 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għal dan il-għan, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil tliet tipi ta’ kondotti speċifiċi li jistgħu jirrestrinġu t-tali kompetizzjoni billi b’mod partikolari, jimpedixxu l-aċċess ta’ operaturi indipendenti għal inputs essenzjali, jew billi jiġu użati ħażin il-garanziji legali u/jew estiżi sabiex jiġu esklużi l-garaxxijiet tat-tiswija indipendenti, jew billi l-aċċess għal networks ta’ garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati jkun soġġett għal kriterji mhux kwalitattivi.”.

18.   

It-titolu li jippreċedi l-paragrafu 62 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Aċċess għal inputs essenzjali minn operaturi indipendenti”.

19.   

Il-paragrafu 62 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(62)

Distribuzzjoni purament selettiva kwalitattiva tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat dment li jkunu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 43 ta’ dawn il-Linji gwida. Minkejja dan, akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattiva konklużi ma’ garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati u/jew distributuri tal-partijiet jistgħu jaqgħu fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat jekk, fil-kuntest ta’ dawk l-akkordji, waħda mill-partijiet taġixxi b’mod li tipprekludi operaturi indipendenti mis-suq, pereżempju billi tonqos li tirrilaxxalhom l-inputs bħall-informazzjoni teknika, l-għodda, t-taħriġ u d-data ġġenerata mill-vetturi, li huma essenzjali għat-tiswija u l-manutenzjoni. F’dak il-kuntest, il-kunċett ta’ operaturi indipendenti jinkludi garaxxijiet tat-tiswija indipendenti, manifatturi u distributuri tal-partijiet tal-bdil, manifatturi u distributuri ta’ tagħmir jew għodod tat-tiswija, pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika u pubblikaturi ta’ data ġġenerata mill-vetturi, klabbs tal-karozzi, operaturi ta’ assistenza fit-triq, operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar u operaturi li joffru taħriġ għal garaxxijiet tat-tiswija.”.

20.   

Il-paragrafu 62a li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 62:

“(62a)

Meta jiġi kkunsidrat jekk iż-żamma ta’ oġġett partikolari, bħal dawk li jappartjenu għall-kategoriji ta’ input stabbiliti fil-paragrafu 62 ta’ dawn il-Linji gwida, tistax twassal biex l-akkordji inkwistjoni jinqabdu bl-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għadd ta’ fatturi, inklużi:

(a)

jekk iż-żamma tal-oġġett inkwistjoni jkollhiex impatt apprezzabbli fuq il-kapaċità tal-operaturi indipendenti li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fis-suq (jiġifieri l-oġġett huwa essenzjali għat-tiswija jew il-manutenzjoni);

(b)

jekk l-oġġett inkwistjoni jkunx disponibbli għall-membri tan-network tat-tiswija awtorizzat rilevanti; jekk ikun disponibbli għan-network awtorizzat f’kull forma, jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll għall-operaturi indipendenti fuq bażi mhux diskriminatorja;

(c)

jekk l-oġġett inkwistjoni jkunx finalment (3) użat għat-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur, jew pjuttost għal għan ieħor (4), bħall-manifattura ta’ partijiet tal-bdil jew għodod.”.

21.   

Il-paragrafu 62b li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu ġdid 62a:

“(62b)

Meta jqisu ż-żamma għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ oġġett partikolari li huwa essenzjali għat-tiswija u l-manutenzjoni, bħal dawk li jappartjenu għall-kategoriji ta’ input stabbiliti fil-paragrafu 62 ta’ dawn il-Linji gwida, jenħtieġ li l-partijiet jivvalutaw jekk iż-żamma tal-oġġett inkwistjoni tkunx mezz proporzjonat biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sigurtà inkwistjoni. Għalhekk jenħtieġ li jeżaminaw b’mod partikolari jekk miżuri inqas restrittivi jkunux biżżejjed.”.

22.   

It-titolu li ġej jiddaħħal qabel il-paragrafu 63:

“Informazzjoni teknika”.

23.   

Dan il-ġej jiżdied fil-bidu tal-paragrafu 63:

“(63)

L-informazzjoni teknika hija potenzjalment input essenzjali għall-attivitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni. Biex jiġi ddeterminat jekk oġġett partikolari ta’ informazzjoni teknika jikkostitwixxix input essenzjali għal attivitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni, għandhom jitqiesu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 62a ta’ dawn il-Linji gwida. Jenħtieġ li l-informazzjoni teknika tkun distinta mill-informazzjoni ta’ tipi oħra, bħall-informazzjoni kummerċjali (5), li tista’ ma tiġix divulgata b’mod leġittimu.”.

24.   

Il-paragrafu 65 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(65)

Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE jipprevedi, fost oħrajn, sistema biex tkun imqassma informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni fir-rigward tal-vetturi bil-mutur. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1244 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess standardizzat għall-informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord il-vetturi u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, u r-rekwiżiti u l-proċeduri għall-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sigurtà tal-vetturi (6) jistabbilixxi proċedura speċifika għall-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ operaturi indipendenti biex ikollhom aċċess għall-karatteristiċi tas-sigurtà tal-vetturi. Il-Kummissjoni se tqis dawn ir-Regolamenti meta tivvaluta każijiet ta’ suspett ta’ żamma ta’ informazzjoni teknika dwar it-tiswija u l-manutenzjoni.”.

25.   

Il-paragrafu 66 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(66)

Progress teknoloġiku jimplika li n-nozzjoni ta’ informazzjoni teknika hi fluwida. Fil-preżent, eżempji partikolari ta’ informazzjoni teknika jinkludu software, kodiċi tal-ħsara u parametri oħra, flimkien ma’ aġġornamenti li huma meħtieġa biex isir xogħol fuq l-unitajiet tal-kontroll elettroniċi (ECUs), sistemi avvanzati ta’ assistenza għas-sewwieqa u sistemi ta’ ġestjoni tal-batterija għal vetturi elettriċi bl-għan li jiġu introdotti jew irkuprati settings rakkomandati mill-fornituri, metodi ta’ identifikazzjoni tal-vetturi bil-mutur jew kwalunkwe metodu ta' identifikazzjoni ieħor ta' vettura bil-mutur, katalgi tal-partijiet, proċeduri ta' tiswija u manutenzjoni, soluzzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn esperjenza prattika u relatati ma’ problemi li tipikament jaffettwaw mudell jew lott partikolari, u notifiki ta’ sejħa lura kif ukoll notifiki oħra li jidentifikaw it-tiswijiet li jistgħu jsiru mingħajr ħlas fi ħdan network ta’ tiswija awtorizzat. Il-kodiċi ta’ parti u kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex tidentifika l-parti tal-bdil ta’ marka tal-manifattur korretta biex tiffitja f’vettura individwali (jiġifieri l-parti li l-produttur tal-vettura bil-mutur ġeneralment iforni lill-membri tan-networks ta’ tiswija awtorizzati tiegħu sabiex isewwu l-vettura in kwistjoni) tikkostitwixxi wkoll informazzjoni teknika (7), kif ukoll il-kodiċijiet ta’ attivazzjoni meħtieġa biex jiġu installati ċerti partijiet ta’ rikambju. Ir-rekwiżiti rilevanti u l-listi ta’ oġġetti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/858 jenħtieġ li jintużaw ukoll bħala gwida għal dik li l-Kummissjoni tqis bħala informazzjoni teknika għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat.”.

26.   

L-aħħar sentenza tal-paragrafu 67 hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Artikolu 101 tat-Trattat madanakollu ma jobbligax lill-fornitur sabiex jipprovdi informazzjoni teknika f’format standardizzat jew permezz ta’ sistema teknika definita, bħal eżempju l-istandard EN ISO 18541 – 2014 jew xi format jew sistema teknika prevista mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 295/2009 tat-18 ta’ Marzu 2009 rigward il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (8).”.

27.   

Wara l-paragrafu 67, jiddaħħlu t-titolu li ġej u l-paragrafu 67a:

Data ġġenerata mill-vettura

(67a)

Sal-punt li d-data ġġenerata mill-vettura hija essenzjali għat-tiswija u għall-manutenzjoni, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 62 sa 67 ta’ dawn il-Linji Gwida japplikaw ukoll għad-disponibbiltà tagħha għall-operaturi indipendenti. Biex jiġi ddeterminat jekk oġġett partikolari ta’ data ġġenerata mill-vettura jikkostitwixxix input essenzjali għal attivitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni, għandhom jitqiesu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 62a ta’ dawn il-Linji Gwida. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-istandards eżistenti u r-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/858 jintużaw bħala gwida (9).”.

28.   

It-titolu li ġej jiddaħħal qabel il-paragrafu 68:

“Għodod u taħriġ”.

29.   

Il-paragrafu 68 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(68)

Sal-punt li l-għodod u/jew it-taħriġ huma essenzjali għat-tiswija u għall-manutenzjoni, il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 62 sa 67 ta’ dawn il-Linji gwida japplikaw ukoll għad-disponibbiltà tagħhom għall-operaturi indipendenti. Biex jiġi ddeterminat jekk għodda u/jew oġġett ta’ taħriġ partikolari jikkostitwix input essenzjali għal attivitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni, għandhom jitqiesu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 62a ta’ dawn il-Linji gwida. ‘Għodod’ f’dan il-kuntest tinkludi għodod dijanjostiċi elettroniċi u għodod oħra ta’ tiswija, flimkien mas-software relatat, inklużi l-aġġornamenti perjodiċi tagħhom, u servizzi ta’ wara l-bejgħ għal tali għodod.”.

30.   

Wara l-paragrafu 68, jiddaħħlu t-titolu li ġej u l-paragrafu 68a:

“Konsiderazzjonijiet oħrajn

(68a)

Iż-żamma ta’ oġġett partikolari, bħal input essenzjali li jappartjeni għall-kategoriji stabbiliti fil-paragrafi minn 62 sa 68 ta’ dawn il-Linji gwida, inkluża d-data ġġenerata mill-vetturi, li ma tkunx disponibbli mill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur għall-membri tan-network tat-tiswija awtorizzat rilevanti, tista’ tammonta għal abbuż skont l-Artikolu 102 tat-Trattat li fih fornitur dominanti jżomm tali oġġett minn operaturi indipendenti (10).”.

(1)  ĠU C 138, 28.5.2010, p. 16.

(2)  ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1.

(3)  Bħall-informazzjoni pprovduta lil pubblikaturi biex ifornuha mill-ġdid lil garaxxijiet tat-tiswija ta’ vetturi bil-mutur.

(4)  L-informazzjoni użata għall-immuntar ta’ parti tal-bdil jew għall-użu ta’ għodda fuq vettura bil-mutur jenħtieġ li titqies li tintuża għat-tiswija u l-manutenzjoni, filwaqt li jenħtieġ li l-informazzjoni dwar id-disinn, il-proċess tal-produzzjoni jew il-materjali użati għall-manifattura ta’ parti tal-bdil ma titqiesx li taqa’ f’din il-kategorija, u għalhekk tista’ ma tiġix divulgata.

(5)  Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji gwida, l-informazzjoni kummerċjali hija informazzjoni li tintuża għal attività kummerċjali ta’ tiswija u manutenzjoni iżda li mhijiex meħtieġa għat-tiswija jew il-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur. Eżempji jinkludu software tal-fatturazzjoni, jew informazzjoni dwar it-tariffi fis-siegħa pprattikati fin-network awtorizzat.

(6)  ĠU L 272, 30.7.2021, p. 16.

(7)  Jenħtieġ li l-operatur indipendenti ma jkunx obbligat jixtri l-parti tal-bdil inkwistjoni biex jikseb din l-informazzjoni.

(8)  ĠU L 95, 9.4.2009, p. 7.

(9)  Dan jinkludi d-disponibbiltà lil operaturi indipendenti ta’ tali data biex iwettqu attivitajiet ta’ tiswija u manutenzjoni appoġġati minn networks fuq żona wiesgħa mingħajr fili. Ara l-Artikolu 61(11) tar-Regolament (UE) 2018/858.

(10)  Sabiex it-test stabbilit mill-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 102 TFUE għar-rifjuti ta’ forniment jitqies abbużiv, ara fost oħrajn il-Kawża C-7/97 Oscar Bronner GmbH & Co. KG vs Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag GmbH & Co. KG, Mediaprint Zeitungsvertriebsgesellschaft mbH & Co. KG u Mediaprint Anzeigengesellschaft mbH & Co. KG, ECLI:EU:C:1998:569; Il-Kawżi Magħquda C-241/91 P u C-242/91 P, Radio Telefis Eireann (RTE) u Independent Television Publications Ltd (ITP) vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1995:98; Il-Kawża T-201/04, Microsoft Corp. vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2007:289; u l-Kawża C-165/19 P, Slovak Telekom, a.s. vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2021:239.