ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 89

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 66
10 ta' Marzu 2023


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

2023/C 89/01

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Jannar 2023 dwar proposta għal direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni) (CON/2023/2)

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il–Kunsill

2023/C 89/02

Avviż għall-attenzjoni ta' entità waħda soġġetta għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

7

2023/C 89/03

Avviż għall-attenzjoni ta' entità waħda soġġetta għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

8

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 89/04

Rata tal-kambju tal-euro — Id-9 ta' Marzu 2023

9

 

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2023/C 89/05

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)

10

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2023/C 89/06

Notifika taħt il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen — Il-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Kroazja

14

 

INFORMAZZJONI MINN PAJJIŻI TERZI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 89/07

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ M.11044 — DERICHEBOURG / ELIOR) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

16


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 89/08

Avviż skont l-artikolu 29(2) tar-regolamenti tal-persunal — Pubblikazzjoni ta’ pożizzjoni vakanti għall-kariga ta’ Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DEFIS) (grad AD 15) — COM/2023/10428

18

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 89/09

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ M.11020 – KKR / APRIL) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

19

2023/C 89/10

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.11063 – CVC CAPITAL / SCAN GLOBAL LOGISTICS) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

21

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2023/C 89/11

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

23


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


III Atti preparatorji

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Jannar 2023

dwar proposta għal direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni)

(CON/2023/2)

(2023/C 89/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1) (minn hawn ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar id-direttiva proposta. Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 25.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), b'mod partikolari peress li d-direttiva proposta tirrigwarda (a) il-kompitu bażiku li għandu jitwettaq permezz tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) biex tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja skont l-Artikolu 127(2) TFUE; (b) il-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) TFUE; u (c) il-kontribut tal-BĊE għall-armonizzazzjoni, fejn meħtieġ, tar-regoli u l-prattiki li jirregolaw il-ġbir, il-kumpilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fil-partijiet tal-oqsma ta’ kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 5.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

1.1.

Il-BĊE jappoġġa b’mod ġenerali d-direttiva proposta, li għandha l-għan li żżid ir-rata u l-profondità tar-rinnovazzjonijiet tal-bini fl-Unjoni, li ttejjeb l-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li tiżgura li l-bini kollu jkun konformi mal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni. Id-direttiva proposta mhux biss se tikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni, iżda se tappoġġa wkoll l-isforzi tal-Unjoni biex tiżgura s-sigurtà tal-enerġija. Billi tindirizza l-ostakli għar-rinnovazzjoni u tistabbilixxi miri lejn it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini, id-direttiva proposta se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u tnaqqas id-domanda għall-gass naturali. Barra minn hekk, se tagħmel l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji aktar reżiljenti għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija billi tnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-bini u, fuq terminu medju sa twil, se tgħin biex titnaqqas is-sensittività tal-prezzijiet għall-volatilità fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili. Barra minn hekk, id-direttiva proposta ġġib aktar ċertezza għall-pass u l-iskeda ta’ żmien tat-tranżizzjoni sostenibbli tal-Unjoni, b’mod li jista’ jitqies mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-allokazzjonijiet tal-portafoll u l-finanzjament fuq terminu medju.

1.2.

Il-BĊE jilqa’ l-għan tad-direttiva proposta li ttejjeb l-aċċess għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) madwar l-Unjoni. Il-miżuri proposti jiżguraw aċċess sħiħ għall-EPCs għall-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi sinifikanti rigward l-aċċess għal din l-informazzjoni li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari, u l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod aktar ġenerali, qed jiffaċċjaw bħalissa. Dawn il-miżuri jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jtejbu l-valutazzjonijiet tar-riskju tat-tranżizzjoni relatata mal-klima tal-assi tal-proprjetà immobbli tagħhom. Dan it-titjib huwa rilevanti għall-BĊE, għall-Eurosistema u għas-SEBĊ għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, peress li s-self ta’ proprjetà immobbli jirrappreżenta sehem sinifikanti tal-portafoll bankarju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sorveljati, din l-informazzjoni hija rilevanti ħafna għall-BĊE u l-funzjonijiet superviżorji bankarji tiegħu. It-tieni nett, peress li sehem sinifikanti tal-kollateral użat mill-kontropartijiet f’operazzjonijiet ta’ politika monetarja jikkonsisti f’assi finanzjarji ggarantiti minn ipoteki fuq proprjetà immobbli, l-iżgurar ta’ aċċess sħiħ għall-informazzjoni tal-EPC għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jtejjeb il-kapaċità tal-Eurosistema – fit-twettiq tal-mandat tagħha ta’ stabbiltà tal-prezzijiet – li tidentifika, timmonitorja u timmitiga r-riskji li huma assoċjati mal-kontropartijiet tagħha, il-kollateral li taċċetta fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tagħha u l-parteċipazzjonijiet tagħha ta’ assi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet diretti. It-tielet, huwa meħtieġ aċċess akbar għal informazzjoni granulari tal-EPC biex jiġu appoġġati l-kompiti statistiċi tas-SEBĊ, inkluż l-iżvilupp ta’ indikaturi statistiċi għall-analiżi tar-riskju tat-tibdil fil-klima. Dan imbagħad jgħin lill-BĊE meta jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-prattiki li jirregolaw il-ġbir, il-kompilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu.

1.3.

Madankollu, il-BĊE għandu tħassib dwar il-metodoloġija proposta għad-definizzjoni tal-klassijiet il-ġodda tal-EPC, u jappella għal grad ogħla ta’ armonizzazzjoni madwar l-Unjoni. Id-direttiva proposta tiddefinixxi biss kriterji komuni għall-aħjar u l-agħar EPCs għal kull Stat Membru, mingħajr ma tarmonizza bis-sħiħ id-definizzjonijiet u l-metodoloġiji sottostanti li huma determinati fil-livell nazzjonali. Minn perspettiva ta’ riskju, dan se jnaqqas il-komparabbiltà fost l-Istati Membri u jnaqqas l-utilità tal-EPCs bħala indikaturi għar-riskju ta’ assi tal-proprjetà immobbli speċifiku. Metodoloġija aktar armonizzata tgħin lill-BĊE, fil-funzjonijiet superviżorji prudenzjali tiegħu, biex jivvaluta l-impatt tal-effiċjenza enerġetika fuq l-iskoperturi tal-proprjetà immobbli tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, abbażi ta’ data affidabbli u komparabbli kif ukoll definizzjonijiet komuni u standardizzati fil-livell tal-Unjoni. Dan itejjeb ukoll il-kapaċità tal-Eurosistema li timmonitorja u tivvaluta kif xieraq l-impatt tar-riskji finanzjarji relatati mal-klima fuq l-assi li għandha fuq il-karta bilanċjali tagħha, u li tiżgura protezzjoni adegwata tar-riskju tal-karta bilanċjali tal-Eurosistema.

1.4.

Id-direttiva proposta tirrikonoxxi ġustament l-interess tal-industrija finanzjarja li jkollha aċċess għall-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Id-direttiva proposta għandha tagħmilha ċara li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li huma s-sors ewlieni ta’ self ipotekarju, huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

1.5.

Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, il-BĊE jiffavorixxi, b’mod partikolari, (a) metodoloġija aktar armonizzata għat-tikkettar tal-EPC madwar l-Unjoni; (b) aċċess sħiħ u f’waqtu għall-bażijiet tad-data tal-EPC għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jimmaniġġjaw ir-riskji ta’ tranżizzjoni tagħhom relatati mal-klima; u (c) it-traspożizzjoni tad-direttiva proposta qabel l-2025.

Osservazzjonijiet speċifiċi

2.   Metodoloġija għad-definizzjoni ta’ klassijiet ġodda tal-EPC

2.1.

Peress li xi Stati Membri japplikaw l-istandards tal-EPC fil-livell reġjonali, il-BĊE jiffavorixxi li l-proċess ta’ tikkettar tal-EPC u l-limiti sottostanti jiġu armonizzati fl-Istati Membri. Barra minn hekk, id-direttiva proposta għandha tillimita l-eżenzjonijiet li jaqgħu taħt id-diskrezzjoni nazzjonali (jiġifieri, f’xi Stati Membri, binjiet awtonomi b’erja utli tal-art totali ta’ inqas minn 50 m2 mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-EPC) biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ disponibbiltà tal-EPC fis-suq u approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni.

2.2.

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-EPC, filwaqt li l-BĊE japprezza li d-direttiva proposta għandha l-għan li żżid il-komparabbiltà tal-klassijiet tal-EPC madwar l-Unjoni meta mqabbla mal-istatus quo, huwa mħasseb li l-metodoloġija proposta ma tilħaqx il-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni.

L-ewwel nett, kif muri mill-eżerċizzju tat-test tal-istress klimatiku mwettaq mill-BĊE fl-2022, ir-regolamenti nazzjonali eteroġenji tal-EPC attwalment fis-seħħ, b’mod partikolari l-metodoloġiji differenti applikati mill-Istati Membri biex jikkalkulaw l-effiċjenza enerġetika tal-bini, ma jippermettux l-aggregazzjoni preċiża tad-data fil-livell tal-Unjoni (2).

It-tieni, id-direttiva proposta tistabbilixxi biss kriterji komuni għad-definizzjoni tal-aħjar u l-agħar bini. B’mod partikolari, il-binjiet G se jiġu definiti bħala l-inqas 15 % tal-bini f’kull Stat Membru f’termini tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sa meta jiġu introdotti l-EPCs il-ġodda. Dan jimplika li l-inqas 15 % tal-bini jkollu rendimenti reali tal-enerġija differenti ħafna fl-Istati Membri kollha, li jnaqqas b’mod sinifikanti l-komparabbiltà vera madwar l-Unjoni.

It-tielet, id-direttiva proposta ma timplimentax limiti omoġenji madwar l-Unjoni biex tarmonizza l-iskema ta’ tikkettar, iżda pjuttost tħalli d-definizzjoni ta’ EPCs għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Filwaqt li dan l-approċċ jista’ jtejjeb it-trasparenza dwar ir-rendiment relattiv tal-enerġija tal-bini fi ħdan Stat Membru u jwassal għal sforz ta’ rinnovazzjoni komparabbli madwar l-Unjoni, dan jista’ potenzjalment iwassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tal-kapital fl-Unjoni (3). Barra minn hekk, l-EPCs speċifiċi għall-Istati Membri u l-miri ta’ rinnovazzjoni assoċjati jista’ jkollhom impatt fuq il-valutazzjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli, fejn tali valutazzjoni ma tkunx marbuta direttament mar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-impatt assoċjat tal-ispejjeż relatati mal-enerġija. Dan mhuwiex mixtieq minn perspettiva superviżorja u ta’ ġestjoni tar-riskju peress li jagħmilha aktar diffiċli li l-valutazzjoni tal-assi immobiljari tintrabat mal-parametri tar-riskju tal-kreditu u mal-istandards tas-self.

Ir-raba’, minħabba l-kopertura limitata attwali tal-EPCs u n-nuqqas ta’ data dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-bini, il-limiti speċifiċi għall-pajjiż ibbażati fuq l-informazzjoni eżistenti tal-EPC jistgħu jwasslu wkoll għal limiti kkalibrati ħażin, speċjalment fl-Istati Membri fejn il-kopertura tal-EPC hija skarsa. Jekk il-limiti jiġu kkalibrati ħażin, id-data tal-EPC tista’ ma tirriflettix id-distribuzzjoni ġenerali tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-bini kollu u tintroduċi eteroġeneità mhux ġustifikata madwar l-Istati Membri.

2.3.

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-BĊE huwa tal-fehma li metodoloġija aktar omoġenja madwar l-Unjoni hija preferibbli, speċjalment fuq medda twila ta’ żmien. Il-BĊE jirrikonoxxi li l-għażla bejn il-livelli limitu fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar hija deċiżjoni politika li jeħtieġ li tqis ukoll firxa ta’ kunsiderazzjonijiet oħra, bħal sforz ta’ rinnovazzjoni komparabbli f’kull Stat Membru, irrispettivament mill-istat tal-istokk inizjali tal-bini, jew l-utilizzabbiltà għall-inkwilini u x-xerrejja. Madankollu, id-direttiva proposta għandha timmira għall-konverġenza tal-iskalar tal-EPC fl-Istati Membri kollha matul iż-żmien. Approċċ bħal dan jiżgura definizzjoni aktar omoġenja madwar l-Unjoni, li ssaħħaħ il-kontenut tal-informazzjoni tal-EPCs bħala bażi għad-divrenzjar tar-riskju tal-assi tal-proprjetà immobbli abbażi tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (4).

2.4.

Jekk il-modifika tal-metodoloġija għall-armonizzazzjoni tal-EPC fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx possibbli, il-kampjunar statistiku bbażat fuq attributi u data oħra tal-bini mill-Istati Membri kollha jista’ jtejjeb il-kalibrazzjoni tal-livelli limitu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Idealment, il-kalibrazzjoni għandha ssir fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi evitata frammentazzjoni tal-metodoloġiji ta’ stima. Aktar dettalji dwar id-daqs tal-kampjuni aleatorji li għandhom jintużaw (5) f’termini ta’ sehem tal-assi tal-proprjetà immobbli nazzjonali, b’mod partikolari, itejbu l-konsistenza tal-metodoloġiji madwar l-Istati Membri.

2.5.

Jekk dawn il-bidliet ma jkunux jistgħu jinkisbu, tal-anqas huwa essenzjali li d-data użata għall-kalkolu tal-EPCs tkun disponibbli għall-pubbliku, kif enfasizzat hawn taħt.

3.   Aċċess għad-data dwar ir-rendiment tal-enerġija għall-partijiet interessati

3.1.

Il-BĊE jappoġġja bis-sħiħ l-għan tad-direttiva proposta li tiżgura l-aċċess għall-EPCs mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-aċċess għad-data dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija huwa prerekwiżit essenzjali għall-valutazzjoni tar-riskji ta’ tranżizzjoni relatati mal-klima kif ukoll l-impronta tal-karbonju tal-assi tal-proprjetà immobbli peress li jaffettwaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-portafolli ipotekarji tagħhom. Għalhekk, l-aċċess jgħin biex jiġu evitati effetti konsegwenzjali potenzjali għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. L-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, inkluż il-BĊE, għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-EPCs biex jivvalutaw ir-riskji klimatiċi sottostanti.

3.2.

Minbarra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-banek ċentrali, parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji li jinvestu fi prodotti ggarantiti minn proprjetà immobbli bħal portafolli ipotekarji, titoli ggarantiti b’assi jew bonds koperti jeħtieġu aċċess għad-data dwar ir-rendiment tal-enerġija tal-proprjetà immobbli sottostanti għall-valutazzjonijiet u d-divulgazzjonijiet tar-riskju klimatiku tagħhom stess, b’mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar id-Divulgazzjoni Finanzjarja Sostenibbli”, SFDR) kif ukoll għall-valutazzjoni tal-allinjament tal-attivitajiet ekonomiċi tal-proprjetà immobbli mal-kriterji tal-mitigazzjoni tal-klima tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (minn hawn ’il quddiem, ir-“Regolament dwar it-Tassonomija”). Id-direttiva proposta għandha għalhekk tiżgura li investituri terzi li jinvestu direttament f’assi li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ggarantiti minn proprjetà immobbli jew li jaċċettaw tali assi bħala kollateral ikollhom aċċess għall-informazzjoni tal-EPC għal dik il-proprjetà immobbli.

3.3.

Id-data tal-EPC, inkluża informazzjoni dwar id-domanda għall-enerġija primarja, mhux biss għandha tkun disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest ta’ investimenti diretti jew self ipotekarju għall-bini jew ix-xiri ta’ dar, iżda wkoll għal self ta’ rinnovazzjoni profonda. Dan jippermetti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jivvalutaw l-impatt ta’ tali rinnovazzjonijiet fuq il-valur tal-kollateral u jwettqu analiżi tar-riskju xierqa. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet, id-direttiva proposta tirriskja li ma tindirizzax waħda mil-lakuni ewlenin fid-data identifikati għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għall-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa mir-Regolament dwar it-Tassonomija (8).

3.4.

Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-metodoloġija attwali għall-kalkolu tal-istandards tal-EPC (ara l-paragrafu 2.2 hawn fuq), speċjalment fin-nuqqas ta’ metodoloġija aktar armonizzata għall-klassijiet il-ġodda tal-EPC, id-direttiva proposta għandha, bħala minimu, tiżgura li l-attributi u l-oqsma ewlenin kollha tal-EPCs (eż. l-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y)) ikunu disponibbli għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-aċċess għal informazzjoni suffiċjentement granulari (eż. l-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y)), u mhux biss biex tiġi aggregata l-informazzjoni, huwa kruċjali biex jingħelbu l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-differenzi fil-klassijiet tal-EPC madwar l-Istati Membri u biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tagħhom.

3.5.

L-identifikazzjoni unika hija kruċjali għall-irbit tal-informazzjoni bejn is-sorsi tad-data, li tippermetti l-interoperabbiltà u tevita d-duplikazzjonijiet bejn ir-rekwiżiti tar-rapportar. Għalhekk, id-direttiva proposta għandha tiżgura wkoll li d-data tal-EPC tkun tista’ tintrabat mal-post eżatt tal-bini, l-attributi fiżiċi tiegħu jew l-informazzjoni finanzjarja rilevanti bl-użu ta’ identifikazzjoni unika tal-bini u skont linji gwida żviluppati fl-Infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Ewropa (9) (INSPIRE), sabiex l-investituri, il-banek ċentrali u r-regolaturi jingħataw il-possibbiltà li jivvalutaw bl-aħjar mod it-tranżizzjoni u r-riskji fiżiċi marbuta mal-bini.

3.6.

Id-direttiva proposta għandha tiċċara li t-trasferiment ta’ informazzjoni mill-bażijiet tad-data nazzjonali lill-Osservatorju Ewropew tal-Istokk Immobiljari jew pjattaforma ddedikata oħra għandha tinftiehem li tinkludi informazzjoni granulari, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data’, GDPR) u salvagwardji legali oħra. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom informazzjoni aġġornata, informazzjoni disponibbli għall-pubbliku minn bażijiet ta”data nazzjonali, kif ukoll informazzjoni trażmessa lill-Osservatorju Ewropew tal-Istokk Immobiljari jew pjattaforma ddedikata oħra, għandhom jiġu aġġornati aktar ta’ spiss minn darba jew darbtejn fis-sena, kif previst attwalment fid-direttiva proposta (11).

4.   Skeda ta’ żmien għal metodoloġija ġdida tal-EPC

4.1.

Il-BĊE jissuġġerixxi traspożizzjoni aktar bikrija tad-direttiva proposta, sa tmiem l-2024, aktar milli fi tmiem l-2025, għar-raġunijiet li ġejjin.

L-ewwel nett, l-eżerċizzji superviżorji mwettqa mill-BĊE fl-2022 urew li l-ammont ta’ data tal-EPC ipprovduta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija kwistjoni ewlenija. Filwaqt li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu rreferew għal aċċess limitat għar-reġistri tal-EPC f’xi Stati Membri (12) bħala waħda mill-kawżi ewlenin, huma naqsu wkoll milli jirrapportaw indikaturi sinifikanti. F’dan ir-rigward, l-għoti ta’ aċċess lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istituzzjonijiet finanzjarji għal data granulari tal-EPC malajr kemm jista’ jkun itejjeb il-prattiki u l-istrateġiji eżistenti tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju fir-rigward tar-riskji ta’ tranżizzjoni relatati mal-klima, b’mod partikolari għall-istokk tal-ktieb tas-self immobiljari tagħhom.

It-tieni, id-disponibbiltà f’waqtha tad-data dwar ir-rendiment tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni hija essenzjali biex ikun hemm impenn xieraq għar-rekwiżiti ta’ aġġornament tad-direttiva proposta. Id-direttiva proposta tipprevedi li l-bini u l-unitajiet tal-bini li huma proprjetà ta’ korpi pubbliċi u bini u unitajiet tal-bini mhux residenzjali għandhom jittejbu għal mill-inqas il-klassi F tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sal-2027, abbażi tal-istandards tal-EPC il-ġodda. Dawn il-miri huma ta’ sfida biex jintlaħqu mingħajr adozzjoni aktar bikrija tal-istandards tal-EPC il-ġodda (13). L-Istati Membri huma meħtieġa jittrasponu d-direttiva proposta sal-2025, u jħallu biss sentejn biex ilestu r-rinnovazzjonijiet meħtieġa.

4.2.

Jekk ma jkunx possibbli li t-traspożizzjoni titmexxa ’l quddiem, il-BĊE jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-direttiva proposta titħaffef sa tmiem l-2024 minflok sa tmiem l-2025.

5.   Modalitajiet għall-armonizzazzjoni tal-EPC

5.1.

Peress li l-EPCs li għadhom kif inħarġu se jkunu validi sa 10 snin, l-adozzjoni tad-direttiva proposta se timplika l-koeżistenza, wara l-2025, ta’ żewġ ġenerazzjonijiet ta’ EPCs għal perijodu ta’ żmien konsiderevoli. It-traspożizzjoni tad-direttiva proposta għandha għalhekk tiċċara kif dawk il-ġenerazzjonijiet qodma u ġodda tal-EPCs jikkorrispondu ma’ xulxin, jekk għandhomx jiġu ttrattati b’mod identiku għal skopijiet regolatorji u kif is-sidien se jirċievu l-EPCs aġġornati abbażi tal-istandards tal-Unjoni, peress li dan ikollu impatt fuq il-valur tal-bini. Pereżempju, il-“bini b’emissjonijiet żero” (ZEBs) huwa marbut mal-klassi A tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont id-direttiva proposta, iżda mhuwiex ċar jekk il-bini li jkun kiseb klassi A tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont id-direttiva eżistenti huwiex se jgħodd bħala ZEBs. Huwa partikolarment rilevanti li dan il-punt jiġi kkunsidrat flimkien ma’ liġi oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-SFDR, li jagħmlu kontroreferenzi għall-EPCs u għad-definizzjonijiet ta’ ZEB u ta’ “bini b’użu ta’ enerġija qrib iż-żero” (14).

5.2.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-aktar soluzzjonijiet xierqa biex jinċentivaw lis-sidien tal-bini biex jaġġornaw l-EPCs tagħhom fil-ħin, bħala mezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-rinnovazzjonijiet kosteffiċjenti rakkomandati biex itejbu r-rendiment fl-użu tal-enerġija.

6.   Standards tal-portafoll ipotekarju

6.1.

Id-direttiva proposta tagħti mandat lill-Istati Membri biex jippromwovu finanzjament u għodod ta’ finanzjament abilitanti, inter alia permezz ta’ standards tal-portafoll ipotekarju, li jinkludu mekkaniżmi li jinċentivaw lis-selliefa ipotekarji biex iżidu r-rendiment enerġetika tal-portafoll tagħhom (15). Madankollu, id-definizzjoni proposta ta’ “standards tal-portafoll ipotekarju” hija relattivament wiesgħa bi ftit linji gwida dwar kif dawn l-istandards għandhom jiġu definiti fil-livell nazzjonali (16). Wara t-traspożizzjoni, din id-definizzjoni tista’ tirriżulta f’xenarju eteroġenu ta’ standards tal-portafoll ipotekarju mhux armonizzati madwar l-Istati Membri. Id-direttiva proposta, jew att delegat ġdid tal-Kummissjoni, jistgħu jispeċifikaw f’aktar dettall ir-rekwiżiti minimi li jarmonizzaw l-istandards tal-portafoll ipotekarju madwar l-Unjoni. Bl-istess mod, huwa tal-akbar importanza li t-tfassil tal-istandards tal-portafoll ipotekarju jkun jista’ jintuża faċilment fil-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji u ta’ dejn. Tali tfassil jista’ jiffaċilita l-investimenti transfruntiera f’ipoteki li jtejbu r-rendiment tal-enerġija – anke fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali – u jimmassimizza l-kontribuzzjoni tas-swieq finanzjarji, u b’hekk inaqqas id-dipendenza fuq is-self bankarju u l-iskemi ta’ appoġġ tal-gvern.

6.2.

L-istandards tal-portafoll ipotekarju idealment għandhom isiru dejjem aktar stretti maż-żmien hekk kif il-livelli medji tal-EPC tal-assi tal-proprjetà immobbli jitjiebu. L-istandards tal-portafoll ipotekarju għandhom għalhekk jiġu riveduti regolarment biex jitqies it-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-proprjetà immobbli sabiex jinżamm l-inċentiv finanzjarju biex tkompli tittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tal-aggregazzjonijiet ipotekarji.

7.   Standardizzazzjoni tal-bażi tad-data

7.1.

Id-direttiva proposta tiżgura li r-rabtiet ma’ settijiet ta’ data relatati ma’ bini ieħor jiġu introdotti fil-bażijiet tad-data nazzjonali. Dan jirrikjedi l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni ta’ bażijiet tad-data nazzjonali għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ma’ bażijiet tad-data amministrattivi oħra li fihom informazzjoni dwar il-bini, bħall-katast tal-bini nazzjonali u r-reġistri diġitali tal-bini. Sabiex jitwessa’ l-użu tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-BĊE jissuġġerixxi li d-direttiva proposta tipprevedi wkoll reviżjoni tal-istandards ta’ implimentazzjoni teknika meħtieġa għal tali interoperabbiltà u integrazzjoni lil hinn mil-livell nazzjonali.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qegħdin jiġu stabbiliti proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv f'dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Jannar 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 802 final.

(2)  Ara t-test tal-istress tar-riskju klimatiku tal-2022, Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fuq www.bankingsupervision.europa.eu

(3)  Is-sidien fl-Istati Membri b’livell relattivament għoli ta’ effiċjenza enerġetika (filwaqt li titqies il-klima lokali) ikunu meħtieġa jirrinnovaw il-bini tagħhom minkejja li l-bini huwa relattivament effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-perspettiva tal-Unjoni kollha. Huwa rikonoxxut li d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol (fil-biċċa l-kbira lokali) tista’ tkun fattur ta’ limitazzjoni f’xi Stati Membri.

(4)  Metodoloġija aktar preċiża, iżda sempliċi biex jiġu armonizzati l-EPCs tista’ tkun li jinstab indikatur komuni fil-livell tal-Unjoni bħala l-mutur ewlieni, bħall-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y) jew l-emissjonijiet tas-CO2 jew preferibbilment il-kombinazzjoni tat-tnejn, imbagħad jiġi kkalkulat għall-bini kollu u r-riżultati jinqasmu f’seba’ klassijiet. Biex tiġi kkomplementata l-informazzjoni mill-EPCs dwar l-effiċjenza enerġetika, abbażi tal-użu tal-enerġija primarja f’kWh/(m2.y), jista’ jitqies limitu massimu fuq l-emissjonijiet aċċettabbli ta’ gassijiet serra (kgCO2eq/(m2.y) għal kull klassi tal-EPC biex tiġi żgurata dekarbonizzazzjoni aktar rapida tal-proprjetà immobbli.

(5)  Ara l-paragrafu 2 tal-Anness VI tad-direttiva proposta.

(6)  Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(7)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(8)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L 442, 9.12.2021, p. 1) jipprovdi l-kriterju ta’ kontribuzzjoni sostanzjali li ġej għall-attività “Rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti”: ir-rinnovazzjoni tal-bini jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għal rinnovazzjonijiet kbar. Alternattivament, iwassal għal tnaqqis ta’ tal-anqas 30 % fid-domanda għall-enerġija primarja (PED).

(9)  Ara l-bażi tal-għarfien tal-Infrastruttura għall-informazzjoni spazjali fl-Ewropa, disponibbli fuq https://inspire.ec.europa.eu

(10)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p.1).

(11)  Ara Artikolu 19(3) u (4) tad-direttiva proposta.

(12)  Ara t-test tal-istress tar-riskju klimatiku tal-2022, Lulju 2022, disponibbli fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fuq www.bankingsupervision.europa.eu

(13)  Ara Artikolu 9 tad-direttiva proposta.

(14)  Ara l-Anness I, it-Taqsima 7,1, tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139; l-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2022/1288 tas-6 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, li jispeċifikaw il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-impatti avversi fuq is-sostenibbiltà, u l-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali u l-objettivi ta’ investiment sostenibbli f’dokumenti prekuntrattwali, fuq is-siti web u fir-rapporti perjodiċi (ĠU L 196, 25.7.2022, p. 1).

(15)  Ara Artikolu 15(4) tad-direttiva proposta.

(16)  Ara l-Artikolu 2, il-punt (36) tad-direttiva proposta.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il–Kunsill

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/7


Avviż għall-attenzjoni ta' entità waħda soġġetta għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

(2023/C 89/02)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni ta' Fajr Aviation Composite Industries (nru. 12), entità li tidher fl-Anness II, Parti I, għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (1) u fl-Anness IX, Parti I, għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (2) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

Il-Kunsill biħsiebu jżomm il-miżuri restrittivi kontra l-entità msemmija hawn fuq b'dikjarazzjoni tar-raġunijiet ġdida. L-entità kkonċernata hija b'dan infurmata li tista' tippreżenta talba lill-Kunsill biex tikseb id-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet maħsuba għad-deżinjazzjoni tagħha, sas-17 ta' Marzu 2023, fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu


(1)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

(2)  ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1.


10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/8


Avviż għall-attenzjoni ta' entità waħda soġġetta għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

(2023/C 89/03)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni ta' Wagner Group, entità soġġetta għall-miżuri restrittivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/1999/PESK (1) u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2020/1998 (2) dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kunsill biħsiebu jinkludi lill-entità msemmija hawn fuq fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (3) u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

L-entità kkonċernata hija b'dan infurmata li tista' tippreżenta talba lill-Kunsill biex tikseb id-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet maħsuba għad-deżinjazzjoni tagħha, qabel is-17 ta' Marzu 2023, fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

General Secretariat

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu


(1)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.

(2)  ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.

(3)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(4)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


Il-Kummissjoni Ewropea

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/9


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-9 ta' Marzu 2023

(2023/C 89/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0554

JPY

Yen Ġappuniż

143,82

DKK

Krona Daniża

7,4421

GBP

Lira Sterlina

0,88814

SEK

Krona Żvediża

11,3365

CHF

Frank Żvizzeru

0,9911

ISK

Krona Iżlandiża

149,90

NOK

Krona Norveġiża

11,2715

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

23,626

HUF

Forint Ungeriż

379,10

PLN

Zloty Pollakk

4,6785

RON

Leu Rumen

4,9150

TRY

Lira Turka

20,0026

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5965

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4574

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,2848

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7232

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4279

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 395,00

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

19,6578

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,3515

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 294,30

MYR

Ringgit Malażjan

4,7715

PHP

Peso Filippin

58,237

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

37,066

BRL

Real Brażiljan

5,4202

MXN

Peso Messikan

18,9237

INR

Rupi Indjan

86,6215


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/10


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza

(2023/C 89/05)

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS https://edps.europa.eu)

Fis-7 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza. L-objettiv tal-Proposta huwa li jiġu stabbiliti regoli li jsaħħu l-konverġenza f’aspetti magħżula tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw proċeduri ta’ insolvenza ta’ negozji mhux bankarji.

L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2022, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR (1). Hija tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data.

L-EDPS jilqa’ s-salvagwardji previsti għall-aċċess minn qrati maħtura tal-Istati Membri għal informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali ċentralizzati tal-kontijiet bankarji.

Madankollu, jirrakkomanda dawn li ġejjin:

L-ewwel nett, fir-rigward tal-aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għar-reġistri nazzjonali tal-assi, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi speċifikat l-għan ta’ tali aċċess, mhux biss fil-preambolu iżda wkoll fit-termini ta’ promulgazzjoni tad-direttiva futura.

It-tieni, l-EDPS jirrakkomanda li jiġu introdotti, fil-livell tal-UE, is-salvagwardji meħtieġa għall-aċċess il-ġdid mill-prattikanti fl-insolvenza, stabbiliti mill-proposta, għad-data personali li tinsab fir-reġistri tas-sjieda benefiċjarja u fir-reġistri nazzjonali tal-assi.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-interkonnessjoni tal-pjattaformi tal-irkant, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi kkjarifikat li l-bażi ġuridika ta’ din l-interkonnessjoni hija d-Direttiva futura u mhux l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

L-EDPS jirrakkomanda wkoll li jiġi żgurat li l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu adottati għall-istabbiliment ta’ din l-interkonnessjoni, ikunu fis-seħħ meta d-Direttiva futura u l-liġijiet tal-Istati Membri li jittrasponuha jkunu applikabbli.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi kkjarifikat, skont kif ikun il-każ, jekk ir-Regolament futur dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntiera huwiex affidabbli għall-komunikazzjonijiet elettroniċi previsti fil-Proposta.

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fis-7 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza (“il-Proposta”) (2).

2.

L-objettiv tal-Proposta huwa li jiġu stabbiliti regoli li jsaħħu l-konverġenza f’aspetti magħżula tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw proċeduri ta’ insolvenza ta’ negozji mhux bankarji (3). Skont ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati żvelaw diffikultajiet relatati mat-traċċar tal-assi (4), speċjalment fejn l-assi jkun jinsab fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn ikunu nfetħu proċedimenti. L-effettività tat-traċċar tal-assi hija ta’ importanza ewlenija fil-massimizzazzjoni tal-valur tal-patrimonju tal-insolvenza peress li d-debituri għandhom inċentiv li jneħħu l-assi mill-patrimonju tal-insolvenza. Il-mezzi disponibbli għall-prattikanti fl-insolvenza biex jittraċċaw u jiffriżaw assi li jappartjenu għall-patrimonju fi Stat Membru ieħor huma insuffiċjenti jew mhux adegwati li spiss jirriżultaw fid-dissipazzjoni ta’ dawk l-assi sakemm tittieħed l-azzjoni. L-informazzjoni essenzjali għall-finijiet ta’ traċċar tal-assi tinsab fir-reġistri nazzjonali, iżda dawn ir-reġistri jew ma humiex aċċessibbli u/jew mhux komprensibbli mill-prattikanti fl-insolvenza (minħabba ostakli lingwistiċi). Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu r-regoli tiegħu stess u jafda lill-prattikanti fl-insolvenza setgħat differenti fil-qasam tat-traċċar tal-assi. Possibbiltajiet neqsin jew ikkumplikati ta’ traċċar tal-assi jxekklu l-kapaċità tal-qrati, tal-prattikanti fl-insolvenza jew ta’ partijiet oħra li għandhom interessi leġittimi li jiddeterminaw u li jillokalizzaw l-assi, li jeżaminaw id-dħul iġġenerat minn attività ta’ spiss frodulenti u li jsegwu l-perkors tiegħu (5).

3.

It-Titolu III tal-Proposta dwar it-traċċar ta’ assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza jipprevedi:

l-aċċess minn qrati nazzjonali kompetenti maħtura b’mod speċifiku (6) għar-reġistru nazzjonali ċentralizzat tal-kontijiet bankarji (7) stabbilit skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (“Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus”), u b’mod partikolari għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji elenkata fl-Artikolu 32a(3) tagħha (9). L-aċċess jingħata fuq talba tal-prattikant fl-insolvenza (10) maħtur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, jekk meħtieġ għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur f’dawk il-proċedimenti, inklużi dawk li huma soġġetti għal azzjonijiet revokatorji. Id-Direttiva futura tkun timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jiżguraw li tali qrati maħtura jkollhom is-setgħa li jaċċessaw l-informazzjoni disponibbli fi Stat Membru ieħor, permezz tal-punt ta’ aċċess uniku tar-reġistri tal-kontijiet bankarji li jkun stabbilit mid-Direttiva l-ġdida kontra l-Ħasil tal-Flus meta tiġi adottata (11) (l-Artikoli 13 sa 16);

aċċess indirett mill-prattikanti fl-insolvenza għal din l-informazzjoni billi jitolbu lill-qrati maħtura fl-Istat Membru biex jaċċessaw u jwettqu tfittxijiet (il-premessa 16);

aċċess dirett minn prattikanti fl-insolvenza għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja (l-Artikolu 17);

aċċess dirett minn prattikanti fl-insolvenza għal reġistri nazzjonali tal-assi, fejn disponibbli (l-Artikolu 18).

4.

Barra minn hekk, il-Proposta (l-Artikolu 40) tkun tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi insolventi, il-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtorità kompetenti, u, fejn rilevanti, il-prattikant fl-insolvenza, minn naħa waħda, u l-partijiet għal proċedimenti bħal dawn, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jitwettqu b’mezzi elettroniċi, f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza) (13).

5.

Fl-aħħar nett, il-Proposta tkun tipprevedi l-istabbiliment u l-manutenzjoni mill-Istati Membri ta’ pjattaforma waħda jew bosta tas-subbasti elettroniċi għall-bejgħ tal-assi tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ stralċ simplifikati (l-Artikolu 50) u għall-interkonnessjoni tagħhom li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikolu 51).

6.

Din l-inizjattiva, li tħabbret f’Settembru 2020, hija parti mill-prijorità tal-Kummissjoni li tavvanza l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (14), proġett ewlieni għal aktar integrazzjoni finanzjarja u ekonomika fl-Unjoni Ewropea (15).

7.

L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2022, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR. L-EDPS jilqa’ r-referenza għal din il-konsultazzjoni fil-premessa 63 tal-Proposta. F’dan ir-rigward, l-EDPS jinnota wkoll b’mod pożittiv li huwa kien ġie kkonsultat preċedentement b’mod informali skont il-premessa 60 tal-EUDPR.

5.   KONKLUŻJONIJIET

22.

Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

(1)

jiġi kkjarifikat fit-termini ta’ promulgazzjoni tad-Direttiva futura li l-aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għar-reġistri nazzjonali tal-assi huwa permess biss jekk meħtieġ għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur fi proċediment ta’ insolvenza li jkun għaddej;

(2)

jiġu introdotti fil-livell tal-UE s-salvagwardji meħtieġa għall-aċċess ġdid tal-prattikanti fl-insolvenza, stabbilit mill-Proposta, għad-data personali li tinsab fir-reġistri tas-sjieda l-benefiċjarja u fir-reġistri nazzjonali tal-assi;

(3)

jiġi kkjarifikat li d-Direttiva futura tkun tistabbilixxi l-interkonnessjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ subbasti elettroniċi;

(4)

jiġi żgurat li l-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni għall-istabbiliment tal-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ subbasti elettroniċi jkunu fis-seħħ fiż-żmien meta l-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-direttiva jkunu applikabbli sabiex is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu speċifikati permezz ta’ dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jkunu fis-seħħ ukoll;

(5)

jiġi kkjarifikat, skont kif ikun il-każ, jekk ir-Regolament futur dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntiera huwiex affidabbli għall-komunikazzjonijiet elettroniċi previsti fil-Proposta.

Brussell, is-6 ta’ Frar 2023.

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali. data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(2)  COM(2022) 702 final.

(3)  Ara r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt (SWD(2022) 395 final), paġna 7.

(4)  Ara paġna 172: “traċċar tal-assi huwa għodda ‘segwi l-flus’, li tippermetti lill-qrati, lill-prattikanti fl-insolvenza jew lill-partijiet li jkunu wrew interess leġittimu li jiddeterminaw u jillokalizzaw l-assi, li jeżaminaw id-dħul iġġenerat mill-attivitajiet ta’ spiss frodulenti u li jsegwu l-perkors tiegħu. It-‘traċċar tal-assi’ huwa proċess legali ta’ identifikazzjoni u ta’ lokalizzazzjoni ta’ assi miżapproprjati jew tar-rikavati (valuri) tagħhom li jappartjenu għall-patrimonju tad-debitur. Dan jinkludi kemm il-preservazzjoni (iffriżar) tal-assi identifikati kif ukoll ir-ripatrijazzjoni (jekk l-assi jinstab fi Stat ieħor)”. [“UNCITRAL, Traċċar u rkupru ta’ assi ċivili fi proċedimenti ta’ insolvenza. Nota mis-Segretarjat, 4 ta’ Ottubru 2021 (A/CN.9/WG.V/WP.175), § 29. Ara qabel, ir-Rapport tal-Kollokju dwar it-Traċċar u l-Irkupru tal-Assi Ċivili (Vjenna, is-6 ta’ Diċembru 2019) (A/CN/9/1008). Id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq www.uncitral.org”].

(5)  Ara r-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt, paġni 26-28 u 172.

(6)  Skont l-Artikolu 2(b), Qorti tfisser il-korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru.

(7)  Skont l-Artikolu 2(d) tal-Proposta, “reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji” tfisser il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali ta’ rkupru ta’ data, stabbiliti skont l-Artikolu 32a(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(9)  Skont l-Artikolu 32a (3) tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, l-“informazzjoni li ġejja għandha tkun aċċessibbli u tista’ tiġi mfittxija permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmija fil-paragrafu 1:

għad-detentur tal-kont tal-klijent u kwalunkwe persuna li tallega li qed taġixxi f’isem il-klijent: l-isem, ikkomplementat jew bid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-punt (a) tal-Artikolu 13(1), jew b’numru ta’ identifikazzjoni uniku;

għas-sid benefiċjarju detentur tal-kont tal-klijent: l-isem, ikkomplementat jew bid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-punt (b) tal-Artikolu 13(1), jew b’numru ta’ identifikazzjoni uniku;

għall-kont bankarju jew ta’ pagament: in-numru IBAN u d-data tal-ftuħ u tal-għeluq tal-kont;

għall-kaxxa għad-depożiti sikuri: isem il-lokatarju kkomplementat jew bid-data ta’ identifikazzjoni l-oħra meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 13(1) jew numru ta’ identifikazzjoni uniku u d-durata tal-perjodu ta’ kiri”.

(10)  L-Artikolu 2(a) tal-Proposta jiddefinixxi l-prattikanti fl-insolvenza bħala “prattikant maħtur minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fil-kuntest ta’ proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn kif imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2019/1023”.

(11)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (COM (2021) 423 final).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi tal-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien tad-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien tad-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18).

Artikolu 28 Użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, il-partijiet għall-proċedura, il-prattikant u l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tkun tista’ twettaq b’mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż f’sitwazzjonijiet transfruntieri, tal-inqas l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet;

(b)

is-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ ristrutturar jew ta’ ħlas lura;

(c)

in-notifiki lill-kredituri;

(d)

il-preżentazzjoni ta’ kontestazzjonijiet u appelli”.

(14)  COM/2020/590 final.

(15)  Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta, paġna 1.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/14


Notifika taħt il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Il-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Kroazja

(2023/C 89/06)

Notifika taħt l-Artikolu 42 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (SBC): Dispożizzjonijiet nazzjonali aġġornati dwar l-obbligu previst mil-liġi li jinżammu jew jinġarru karti u dokumenti

L-Artikolu 167 tal-Att dwar il-Barranin (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 133/20, 114/22, 151/22) teħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jġorru u, meta mitluba minn uffiċjal, jippreżentaw dokument tal-ivvjaġġar barrani jew karta tal-identità valida, permess ta’ residenza jew dokument pubbliku ieħor li jkollu ritratt. Meta mitluba minn uffiċjal, ċittadini ta’ pajjiżi terzi iridu jippreżentaw dokument tal-ivvjaġġar jew dokument ieħor użat biex jaqsmu l-fruntiera.

L-Artikolu 35(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadini tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-membri tal-familja tagħhom (NN Nri 66/19, 53/20, 144/20, 114/22) jeħtieġ li ċittadini adulti tal-Istati Membri taż-ŻEE u il-membri adulti tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini taż-ŻEE jġorru karta tal-identità barranija valida jew dokument tal-ivvjaġġar barrani, dokument pubbliku ieħor li jkollu ritratt, jew karta ta’ residenza, jekk ikunu meħtieġa li jkollhom fil-pussess tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Att, u li jippreżentawhom għal spezzjoni minn persuni awtorizzati taħt leġiżlazzjoni speċjali biex jispezzjonaw dokumenti tal-ivvjaġġar jew karti tal-identità.

L-Artikolu 16(1) tal-Att dwar il-Karta tal-Identità (NN Nri 62/15, 42/20, 144/20, 114/22) jeħtieġ adulti u persuni li laħqu s-16-il sena u li jkunu ġew permessi minn qorti fi proċedimenti mhux kontenzjużi biex jiżżewġu u li żżewġu, jekk il-post tar-residenza tagħhom ikun fir-Repubblika tal-Kroazja, biex iġorru karta tal-identità u biex jippreżentawha għall-ispezzjoni minn persuni awtorizzati taħt leġiżlazzjoni speċjali biex jispezzjonaw karti tal-identità sabiex tiġi stabbilita jew verifikata l-identità tad-detentur tal-karta.

Notifika taħt l-Artikolu 42 tal-SBC: Dispożizzjonijiet nazzjonali aġġornati dwar l-obbligu fuq ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrappurtaw il-preżenza tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja

L-Artikolu 177 tal-Att dwar il-Barranin (NN Nri 133/20, 114/22, 151/22) jirrikjedi li persuni ġuridiċi u fiżiċi li pprovdew akkomodazzjoni lil ċittadin ta’ pajjiż terz fuq soġġorn għal żmien qasir jirrappurtaw l-akkomodazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fi żmien ġurnata mill-wasla taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni. L-istess obbligu japplika għal istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, uffiċċji tal-bord tat-turisti, u fornituri ta’ servizzi ta’ irmiġġ fil-portijiet meta ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu qed joqogħdu fuq bastiment. Jekk l-akkomodazzjoni ma tistax tiġi rrappurtata bil-mod deskritt hawn fuq, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fuq żjara għal żmien qasir għandu jirrapporta l-akkomodazzjoni tiegħu huwa stess fi żmien jumejn mid-dħul fir-Repubblika tal-Kroazja jew mill-bidla fl-akkomodazzjoni tiegħu.

Notifika taħt l-Artikolu 42 tal-SBC: Dispożizzjonijiet nazzjonali aġġornati dwar penali għall-qsim mhux awtorizzat ta' fruntieri esterni f'postijiet għajr punti ta’ qsim tal-fruntieri jew f’ħinijiet oħra għajr il-ħinijiet fissi tal-ftuħ

L-Artikolu 42 tal-Att dwar il-Kontroll tal-Fruntieri (NN Nri 83/13, 27/16, 114/22, 151/22) jimponi terminu ta’ priġunerija ta’ 30 jum jew multa ta’ bejn EUR 260 u EUR 1 320 fuq persuni fiżiċi li:

1.

jaqsmu jew jippruvaw jaqsmu l-fruntiera esterna f’postijiet minbarra punt ta’ qsim tal-fruntiera, jew f'punt ta’ qsim tal-fruntiera f’ħinijiet oħra għajr il-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu;

2.

jevadu l-kontrolli fuq il-fruntiera, jew iħallu ż-żona tal-punt tal-qsim tal-fruntiera qabel ma jkunu saru l-kontrolli fuq il-fruntiera.

Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 249 tal-Att dwar il-Barranin (NN Nri 133/20, 114/22, 151/22) jistipula li “Terminu ta’ priġunerija sa 60 jum jew multa ta’ EUR 3 050 għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz assistit għandhom jiġu imposti fuq persuni fiżiċi li jassistu jew jippruvaw jassistu ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jidħlu, jgħaddu jew joqogħdu illegalment fir-Repubblika tal-Kroazja”. Il-paragrafu 9 jipprovdi li “Għar-reati msemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, l-istrumentalitajiet għandhom jinqabdu jekk il-persuna li assistiet jew ippruvat tassisti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun is-sid tal-mezz tat-trasport”.


INFORMAZZJONI MINN PAJJIŻI TERZI

Il-Kummissjoni Ewropea

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/16


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Każ M.11044 — DERICHEBOURG / ELIOR)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 89/07)

1.   

Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Groupe Derichebourg (“Derichebourg”, Franza),

Elior Group SA (“Elior”, Franza).

Derichebourg jakkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ ta’ Elior.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Dericheburg hija attiva, prinċipalment fi Franza, fis-setturi tas-servizzi ambjentali (ġbir u rkupru tal-iskart, servizzi komunitarji bħall-ġbir tal-iskart domestiku) u servizzi għan-negozji u l-komunitajiet (servizzi ta’ ndafa, xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, servizzi ajrunawtiċi esternalizzati, ġestjoni u tħaddim ta’ installazzjonijiet tekniċi fil-bini, eċċ.),

Elior hija attiva, prinċipalment fi Franza, fis-setturi tal-forniment tal-ikel tal-massa u s-servizzi għan-negozji, l-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, f’termini ta’ ndafa, ġestjoni teknika u amministrattiva tal-bini jew il-ġestjoni tal-faċilitajiet (servizzi ta’ akkoljenza u ta’ purtinerija, manutenzjoni ta’ rutina, eċċ.) u l-ġestjoni ta’ spazji ħodor.

3.   

Wara analiżi preliminari, il-Kummissjoni ssib li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont in-Notifika tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’din in-Notifika.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Dawn il-kummenti jeħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara id-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.11044 — DERICHEBOURG / ELIOR

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra elettronika, bil-faks jew bil-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

Commission européenne

Direction générale de la concurrence

Greffe des concentrations

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/18


AVVIŻ SKONT L-ARTIKOLU 29(2) TAR-REGOLAMENTI TAL-PERSUNAL

Pubblikazzjoni ta’ pożizzjoni vakanti għall-kariga ta’ Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Industrija tad-Difiża u l-Ispazju” (DEFIS) (grad AD 15)

COM/2023/10428

(2023/C 89/08)

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ pożizzjoni vakanti (ir-referenza COM/2023/10428) għall-kariga ta’ Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Industrija tad-Difiża u l-Ispazju” (DEFIS) (grad AD 15).

Biex tikkonsulta t-test tal-avviż tal-post vakanti f’24 lingwa u biex tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok żur din il-paġna web speċifika fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: https://europa.eu/!TkmWYM


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/19


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Każ M.11020 – KKR / APRIL)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 89/09)

1.   

Fit-28 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

KKR & Co. Inc. (“KKR”, l-Istati Uniti tal-Amerka)

April S.A.S. (“April”, Franza)

KKR se takkwista l-kontroll esklużiv ta’ April kollha kemm hi skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

KKR hija ditta ta’ investiment globali li toffri ġestjoni tal-assi alternattivi u soluzzjonijiet tas-swieq tal-kapital u tal-assigurazzjoni. KKR għandha +Simple, sensar bl-ingross Franċiż tal-assigurazzjoni stabbilit fl-2015, li huwa pjattaforma diġitali tas-senserija tal-assigurazzjoni għal negozji fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja u aktar reċentement, l-Awstrija.

April huwa sensar tal-assigurazzjoni li għandu l-kwartieri ġenerali f’Lyon, Franza, li jiffoka fuq linji tal-assigurazzjoni personali fis-saħħa, il-protezzjoni, il-proprjetà u d-disgrazzji, is-self għal xiri ta’ dar u l-assigurazzjoni tas-saħħa internazzjonali.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.11020 – KKR / APRIL

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email jew bil-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Indirizz postali:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Ir-Reġistru tal-Fużjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-‘“Regolament dwar l-Għaqdiet’”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/21


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.11063 – CVC CAPITAL / SCAN GLOBAL LOGISTICS)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2023/C 89/10)

1.   

Fit-3 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

CVC Capital Partners SICAV-FIS S.A. (“CVC”, il-Lussemburgu),

SGL TransGroup US Corp (l-Istati Uniti tal-Amerka) u Scan (Jersey) TopCo Ltd (Jersey), flimkien imsejħa Scan Global Logistics, ikkontrollati minn AEA Investors SBF LP (“AEA”, l-Istati Uniti tal-Amerka).

CVC se takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Scan Global Logistics kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

CVC tipprovdi konsulenza u tiġġestixxi fondi ta’ investiment b’interessi f’għadd ta’ kumpaniji attivi f’varjetà ta’ industriji madwar id-dinja, primarjament fl-Ewropa, fl-Istati Uniti tal-Amerka u fir-reġjun Ażjatiku tal-Paċifiku,

Scan Global Logistics tipprovdi servizzi ta’ spedizzjoni madwar id-dinja ta’ merkanzija ħafifa. Scan Global Logistics bħalissa hija kkontrollata minn AEA, li hija attiva fl-investiment ta’ ekwità privata.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnotat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.11063 – CVC CAPITAL / SCAN GLOBAL LOGISTICS

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

10.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/23


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2023/C 89/11)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda / Manzanilla”

PDO-ES-A1482-AM04

Data tal-komunikazzjoni: 12.12.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Inklużjoni ta’ isem protett

Deskrizzjoni:

Qiegħda tiżdied il-protezzjoni għat-terminu Manzanilla waħdu.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima A tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika). B’mod partikolari, ma tinvolvix bidla fl-ismijiet li għandhom jiġu protetti, minħabba li t-terminu Manzanilla diġà kien protett skont id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm dan it-terminu waħdu ma kienx użat bħala tali fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, diġà kien inkluż fid-Dokument Uniku bħala isem li għandu jiġi protett.

Raġuni:

Minbarra l-fatt li t-terminu Manzanilla spiss jintuża waħdu fuq it-tikketti u materjali oħra, Manzanilla ilu jintuża bħala ekwivalenti għall-isem Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda mill-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1426/96 tas-26 ta’ Ġunju 1996.

2.   Emendi għad-deskrizzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni:

1.

It-Taqsima B.1 (Karatteristiċi analitiċi tal-prodott) ġiet emendata kif ġej:

a)

L-isem u n-numru ta’ din it-taqsima ġew emendati. Issa hija msejħa: B.2 Karatteristiċi analitiċi.

b)

Il-kontenut minimu taz-zokkor tnaqqas minn 5 għal 4 grammi għal kull litru.

Raġuni:

Il-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie adattat u ristrutturat.

Ir-referenza għall-kontenut taz-zokkor f’termini ta’ “zokkor riduċenti” (li jinkludu għadd ta’ komposti oħra) ġiet emendata biex tirreferi biss għall-kontenut ta’ glukożju u fruttożju, peress li dan huwa aktar preċiż f’termini tekniċi.

2.

It-Taqsima B.2 (Karatteristiċi organolettiċi) ġiet emendata.

a)

In-numru ta’ din it-taqsima ġie emendat għal B.3 (Karatteristiċi organolettiċi).

b)

Id-deskrizzjoni organolettika tal-inbid ġiet imtejba u ssimplifikata.

c)

Il-paragrafu dwar il-Manzanilla Pasada tmexxa għat-Taqsima C.3 (Tqaddim jew maturazzjoni).

Raġuni:

Il-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie adattat u ristrutturat.

Ġew inklużi referenzi għal karatteristiċi viżivi, olfattivi u tat-togħma li jistgħu jiġu ċċertifikati mill-kumitat tad-dewqan.

Jagħmel aktar sens li l-paragrafu dwar il-Manzanilla Pasada jiġi inkluż fit-Taqsima C.3.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima B tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 4 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

3.   Emendi għal prattiki enoloġiċi u restrizzjonijiet imposti speċifiċi

Deskrizzjoni:

1.

L-isem ta’ din it-taqsima ġie emendat għal: C) PRATTIĊI ENOLOĠIĊI U RESTRIZZJONIJIET IMPOSTI SPEĊIFIĊI.

Raġuni:

Allinjament mat-terminoloġija legali.

2.

It-Taqsima C.1 (Definizzjonijiet) tħassret.

Raġuni:

Fejn meħtieġ, id-definizzjonijiet tad-diversi kunċetti huma pprovduti fit-taqsimiet u l-paragrafi rilevanti.

3.

It-Taqsima C.2 (Metodu ta’ vinifikazzjoni) ġiet emendata.

a)

L-isem u n-numru ta’ din it-taqsima C.2 (Metodu ta’ vinifikazzjoni) ġew emendati. Issa hija msejħa: C.1 Vinifikazzjoni.

Raġuni:

Il-paragrafi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew adattati u ristrutturati. Issa ġiet inkluża d-definizzjoni ta’ vinifikazzjoni.

b)

Ir-referenza għal-limiti tal-produzzjoni għall-prodotti supplimentari tħassret.

Raġuni:

Il-limiti legali japplikaw.

c)

Ġiet inkluża l-possibbiltà ta’ aċidifikazzjoni bis-sulfat tal-kalċju, soġġett għal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Raġuni:

Din l-emenda tikkonsisti mill-inkorporazzjoni ta’ prattika tradizzjonali li hija permessa għad-DOP Sanlúcar de Barrameda.

4.

Ġiet inkluża t-Taqsima C.2 (Tisħiħ tal-inbid).

a)

Ġiet miżjuda t-Taqsima C.2 (Tisħiħ tal-inbid), li tiddefinixxi l-prattika tat-tisħiħ tal-inbid u tispjega għaliex tintuża. Din l-informazzjoni qabel kienet mogħtija fit-Taqsima C.4 (Tisħiħ tal-inbid - bl-użu tat-terminu Spanjol “Encabezado”).

Raġuni:

It-test ttejjeb biex jirrifletti l-prattiki permessi. It-terminu Spanjol użat biex jirreferi għat-tisħiħ tal-inbid issa huwa “fortificación”, li jieħu post is-sinonimu “encabezado” li kien użat qabel.

b)

Ir-referenza għall-“alkoħol tal-inbid” ġiet issostitwita b’“alkoħol ta’ oriġini vitivinikulturali”.

Raġuni:

Din l-emenda hija ġġustifikata fuq il-bażi tal-prodotti permessi mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.

c)

Ir-referenza li qabel kienet inkluża fit-Taqsima D.1 għall-possibbiltà li l-alkoħol joriġina minn għeneb li jkun inkiseb minn barra ż-żona ġiet ittrasferita għal din it-taqsima.

Raġuni:

Dan huwa mod aħjar kif tiġi strutturata l-informazzjoni.

5.

It-Taqsima C.3 (Tqaddim jew maturazzjoni) ġiet emendata kif ġej:

a)

Ġew inklużi definizzjonijiet għat-termini li ġejjin: maturazzjoni, “bota”, maturazzjoni bijoloġika, kisja tal-ħmira “flor”, maturazzjoni ossidattiva, sistema “criaderas y solera”, sistema “sacas”, “rocios”, “solera”, “criadera”, “añadas”, kif ukoll għat-termini “Manzanilla Pasada” u “Añada” li jintużaw fuq it-tikketti.

Raġuni:

L-intenzjoni hija li jiġi żgurat li t-tekniki tat-tqaddim li jintużaw għall-inbejjed koperti mid-DOP Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda jkunu ddefiniti b’mod ċar.

b)

Ir-referenza għal “btieti tal-injam” ġiet emendata għal “btieti tal-ballut”.

Raġuni:

Allinjament mat-terminoloġija użata fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019.

c)

Is-sentenza li tgħid li l-proċess tat-tqaddim permezz tal-maturazzjoni bijoloġika jista’ jirriżulta fi tnaqqis fil-kontenut tal-alkoħol tal-inbejjed għal inqas minn 15 % skont il-volum tħassret.

Raġuni:

Din ma tapplikax minħabba li l-prodott għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet meta jiġi ċċertifikat mill-produttur.

d)

Is-sentenza li tgħid li l-inbejjed irid ikollhom età medja ta’ sentejn tħassret.

Raġuni:

Din hija regola ġenerali għall-inbejjed generoso (imsaħħa) u hija inkluża fost ir-rekwiżiti fid-deskrizzjoni tal-inbid previsti fit-Taqsima B.

e)

Il-limitu ta’ 40 % tal-istokkijiet f’kull kategorija ta’ maturazzjoni li jistgħu jiġu rilaxxati fil-bidu tas-sena u r-regoli l-oħra dwar il-kwota (li l-istokkijiet jiżdiedu b’aktar minn 10 %) tħassru. Ġiet inkluża formula għall-kalkolu tal-età medja.

Raġuni:

Din l-emenda hija ġġustifikata mill-inklużjoni ta’ formula aktar speċifika, li tippermetti li tiġi żgurata età medja minima.

f)

Ġie inkluż rekwiżit speċifiku ta’ tqaddim (7 snin) għall-Manzanilla Pasada.

Raġuni:

Ir-referenza preċedenti għal “maturazzjoni fit-tul” għalhekk ġiet issostitwita b’rekwiżit aktar preċiż.

g)

Ir-referenzi għall-perjodi ta’ maturazzjoni estiżi ta’ 12 u 15-il sena tħassru.

Raġuni:

Il-maturazzjoni bijoloġika ma tibqax issir għal dan l-ammont ta’ snin, u għalhekk, dawn il-kategoriji speċjali tal-età ma japplikawx għal din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

6.

It-Taqsima C.4. Tisħiħ tal-inbid (“Encabezado”) tħassret.

Raġuni:

It-test ġie adattat u ristrutturat.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima C tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 5.1 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

4.   Bidliet fiż-żona ġeografika

Deskrizzjoni:

1.

It-Taqsima D.1 (Żona tal-produzzjoni) ġiet emendata.

a)

It-titolu Spanjol użat għat-Taqsima D.1 inbidel minn “Área de producción” għal “Zona de producción”.

Raġuni:

It-titolu tat-taqsima ġie adattat biex jiġi allinjat mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

b)

Is-sentenza li tispjega l-possibbiltà li l-prodott supplimentari msemmi fit-Taqsima C.4 isir minn għeneb li joriġina minn barra ż-żona tal-produzzjoni ġiet ittrasferita għat-Taqsima C.2 (Tisħiħ tal-inbid).

Raġuni:

Il-kontenut tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie ristrutturat.

c)

Ġew inklużi l-vinji ta’ San José del Valle li jinsabu fil-Punent tal-meridjan 5° 49’ fil-Punent ta’ Greenwich.

Raġuni:

Il-muniċipalità ta’ San José del Valle, kif inhi magħrufa llum, qabel kienet parti mill-muniċipalità ta’ Jerez de la Frontera. Il-vinji li kienu jeżistu minn qabel jeħtieġ li jiġu inklużi fiż-żona demarkata.

2.

It-Taqsima D.2 (Żona tal-maturazzjoni) ġiet emendata.

a)

L-isem ta’ din it-taqsima nbidel kif ġej: D.2. Unitajiet ġeografiċi iżgħar fiż-żona demarkata.

Raġuni:

Ir-raġuni għal din l-emenda hija li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet ristrutturata u mtejba.

b)

Qiegħda ssir referenza għall-unitajiet ġeografiċi iżgħar li tradizzjonalment huma magħrufa bħala “pagos” u żdied Anness li jelenka l-“pagos” kollha inklużi fiż-żona demarkata.

Raġuni:

Il-“pagos” huma waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-inbejjed Manzanilla. Madankollu, dawn ma kinux kompletament demarkati ġeografikament qabel l-2015, bir-riżultat li minn dak iż-żmien ’l hawn sar possibbli li tiġi ċċertifikata l-oriġini tal-għeneb.

3.

Ġiet miżjuda t-Taqsima D.3 (Dwieli Jerez Superior).

Il-klassifikazzjoni tad-dielja Jerez Superior, li qabel kienet inkluża fit-Taqsima C.1, ma għadhiex limitata għal ċerti muniċipalitajiet (kif kien iddikjarat qabel fit-taqsima “Definizzjonijiet” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali). Din il-klassifikazzjoni issa tapplika għaż-żona demarkata kollha u tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ studji vvalutati minn kumitat ta’ esperti.

Definizzjonijiet.

Raġuni:

Din il-bidla saret abbażi tal-ħtieġa li jiġi ristrutturat it-test tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u minħabba li r-restrizzjoni tal-klassifikazzjoni għal ċerti muniċipalitajiet hija diskriminatorja u ma tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet tekniċi.

4.

It-Taqsima D.4 (Żona tal-maturazzjoni) ġiet inkluża. Din qabel kienet it-Taqsima D.2.

Raġuni:

Ir-raġuni għal din l-emenda hija li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet ristrutturata u mtejba. Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima D tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 6 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

5.   Emendi għar-rendiment massimu għal kull ettaru

Deskrizzjoni:

1.

Ir-referenza li r-rendiment massimu li jikkwalifika għad-denominazzjoni huwa 80 ettolitru tħassret.

2.

Il-possibbiltà tal-irrigazzjoni tad-dwieli maħsuba għall-użu fil-produzzjoni tal-prodotti supplimentari tneħħiet.

3.

Il-limiti speċifiċi tar-rendimenti għad-dwieli f’vinji mħawla reċentement ma nbidlux, iżda din l-informazzjoni ġiet iitrasferita għat-Taqsima H (Rekwiżiti addizzjonali). Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima E tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 5.2 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

Raġuni:

Ir-referenzi għar-rendimenti għandhom jiġu espressi esklużivament bħala kilogrammi għal kull ettaru. Ir-referenza għall-irrigazzjoni ma hijiex meħtieġa. Dan huwa mod aħjar kif tiġi strutturata l-informazzjoni.

6.   Bidliet fil-varjetajiet tad-dwieli li minnhom joriġina l-inbid

Deskrizzjoni:

1.

Il-varjetajiet tad-dwieli issa huma ristretti esklużivament għal Listán Blanco (jew Palomino Fino) u Palomino. Dan ifisser li Pedro Ximenez u Moscatel tħassru u li Palomino nqasam fi tnejn, jiġifieri Palomino u Palomino Fino.

2.

Ir-rekwiżit li mill-inqas 60 % tal-għeneb użat irid jiġi minn vinji fiż-żona “Jerez Superior” tħassar.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima F tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 7 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

Raġuni:

Din l-emenda hija bbażata fuq il-fatt li, fil-prattika, jintużaw biss il-varjetajiet tad-dwieli Listán Blanco (jew Palomino Fino) u Palomino. L-intenzjoni hija wkoll li tiġi ppreżervata l-identità tal-inbejjed Manzanilla.

Fir-rigward tar-rekwiżit li mill-inqas 60 % tal-għeneb irid jiġi miż-żona “Jerez Superior”, fil-prattika, din ir-restrizzjoni tfisser li ma jkunx possibbli li jiġu inklużi l-ismijiet tal-“pagos” fuq it-tikketti tal-inbejjed Manzanilla magħmula minn għeneb miksub 100 % minn “pagos” li ma jinsabux fiż-żona “Jerez Superior”.

7.   Emendi fil-formulazzjoni tat-taqsima dwar ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità tal-inbejjed

Deskrizzjoni:

Il-formulazzjoni ttejbet u l-informazzjoni ġiet ristrutturata sabiex tiġi ssostanzjata tajjeb ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott u ż-żona demarkata.

1.

It-Taqsimiet G.1 (Fatturi umani) u G.2 (Fatturi naturali) ġew emendati.

a)

L-isem tat-taqsima nbidel għal G.1 (Fatturi karatteristiċi taż-żona ġeografika), u nġabret f’post wieħed l-informazzjoni li qabel kienet mogħtija fit-Taqsima G.1 (Fatturi umani) u G.2 (Fatturi naturali).

Raġuni:

Dan huwa mod aħjar kif tiġi strutturata l-informazzjoni, bl-indikazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed koperti mid-DOP Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda.

b)

Ġiet miżjuda t-Taqsima G.2 (Karatteristiċi tal-inbejjed protetti li huma fundamentalment jew esklużivament dovuti għall-ambjent ġeografiku).

Raġuni:

Dan huwa mod aħjar kif tiġi strutturata l-informazzjoni.

c)

Ġiet miżjuda t-Taqsima G.3 (Rabta kawżali bejn l-ambjent ġeografiku u l-karatteristiċi tal-inbejjed).

Raġuni:

Dan huwa mod aħjar kif tiġi strutturata l-informazzjoni. Din hija taqsima ġdida dwar ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-inbejjed u l-ambjent.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima G tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika). Ma tħassarx ir-rabta peress li tinvolvi biss titjib fit-test.

8.   Bidliet fit-taqsima “rekwiżiti applikabbli mill-kunsill regolatorju”

Deskrizzjoni:

1.

It-titolu tat-taqsima nbidel għal H (REKWIŻITI ADDIZZJONALI). Ir-referenzi għar-rekwiżiti proċedurali jew għal-leġiżlazzjoni ġenerali tħassru fit-taqsima kollha.

Raġuni:

It-titolu attwali, “Rekwiżiti applikabbli mill-Kunsill Regolatorju”, ma jikkonformax mal-mudelli tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-referenzi tħassru minħabba li ma jagħmilx sens li jiġu inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

2.

It-Taqsima H.1 (Reġistri) ġiet emendata.

Il-lista dettaljata tar-reġistri tħassret u ġiet issostitwita b’referenza għal dawk imsemmija fir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Regolatorju. Ġew iddefiniti l-attivitajiet imwettqa mill-operaturi li huma meħtieġa li jiġu rreġistrati mal-Kunsill Regolatorju.

Raġuni:

Il-formulazzjoni ġiet emendata biex tiġi allinjata mar-reġistri stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill Regolatorju.

3.

It-Taqsima H.2 (Rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni tal-għeneb) ġiet emendata.

a)

Ir-referenza għall-Artikolu 9 tal-Liġi 24/2003 tal-10 ta’ Lulju 2003 dwar id-dwieli u l-inbid tneħħiet minħabba li din il-leġiżlazzjoni tħassret. Il-possibbiltà tal-irrigazzjoni fil-każ tad-dwieli maħsuba għall-użu fil-produzzjoni tal-prodotti supplimentari tħassret ukoll. Il-possibbiltà tal-irrigazzjoni hija ristretta għad-dwieli maħsuba għall-produzzjoni tal-alkoħol għat-tisħiħ tal-inbid, minħabba li ma humiex maħsuba għall-użu fil-produzzjoni tal-inbejjed bażi.

Raġuni:

Ir-referenza għall-Artikolu 9 tal-Liġi 24/2003 tal-10 ta’ Lulju 2003 dwar id-dwieli u l-inbid tneħħiet minħabba li din il-leġiżlazzjoni tħassret.

L-irrigazzjoni hija possibbli fil-każ tad-dwieli maħsuba għall-produzzjoni tal-alkoħol peress li r-rekwiżiti stabbiliti għall-produzzjoni tal-inbid protett ma japplikawx.

b)

Ġiet miżjuda sottotaqsima ġdida, is-sottotaqsima c) (Rendimenti). Din l-informazzjoni qabel kienet inkluża fit-Taqsima E (Rendimenti massimi għal kull ettaru).

Raġuni:

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet ristrutturata u mtejba.

4.

Fir-rigward tat-Taqsima H.3 (Rekwiżiti applikabbli għall-kantini tal-inbid irreġistrati):

a)

Ir-rekwiżit tal-istokk minimu għall-kantini tal-inbid tħassar.

Raġuni:

Dan ir-rekwiżit ma għandu l-ebda impatt fuq il-kwalità u jwassal għal diskriminazzjoni inġusta.

b)

Ir-rekwiżit li l-istokkijiet tal-inbid li jkunu għaddejjin minn maturazzjoni bijoloġika u li jappartjenu għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini Jerez-Xérès-Sherry u Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda jinżammu fi spazji fiżikament separati tħassar.

Raġuni:

Din hija kwistjoni ta’ kontroll proċedurali u mhux kundizzjoni tal-prodott li tista’ tiġi ċċertifikata.

L-istokkijiet li jkunu għaddejjin minn maturazzjoni bijoloġika f’Sanlúcar de Barrameda huma assenjati biss għad-denominazzjoni ta’ oriġini Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda. Madankollu, il-prattika komuni li parti minn dawn l-istokkijiet tintuża għall-produzzjoni tal-inbejjed Jerez-Xérès-Sherry jekk ma jiġux iċċertifikati bħala Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda hija permessa.

5.

Taqsima H.4 (Ibbottiljar u tikkettar):

a)

F’termini ġenerali, l-informazzjoni ġiet ristrutturata u l-formulazzjoni ttejbet, iżda ma kien hemm l-ebda tibdil sostanzjali fil-kontenut. Ġiet inkluża referenza għal Anness 3 il-ġdid, li jistipula l-leġiżlazzjoni kollha dwar it-tikkettar.

Raġuni:

L-informazzjoni ġiet ristrutturata biex jiġi żgurat monitoraġġ aħjar tal-prodott.

b)

It-taqsima dwar ir-rekwiżit tal-ibbottiljar fis-sors ġiet estiża, billi ġie spjegat li dan ir-rekwiżit huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi mħarsa r-reputazzjoni tal-inbejjed protetti billi jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-karatteristiċi u l-kwalità speċifiċi tagħhom. Issa għandhom jintużaw kontenituri speċifiċi awtorizzati mill-Kunsill Regolatorju biex tiġi eżerċitata l-possibbiltà li jiġi pprovdut l-inbid lill-industrija tal-ikel għall-użu bħala ingredjent, minflok bl-ingrossa kif kien iddikjarat qabel fit-test.

Raġuni:

Ir-raġunijiet għar-rekwiżit tal-ibbottiljar fis-sors ġew spjegati f’aktar dettall, u r-regoli dwar il-provvista tal-inbid lill-industrija tal-ikel għall-użu bħala ingredjent għall-oġġetti tal-ikel u x-xorb inbidlu.

c)

Ġew miżjuda sottotaqsimiet dwar il-provvista tal-inbid lil impjanti awtorizzati tal-industrija tal-ikel u lil stabbilimenti tal-catering, kif ukoll dwar il-bejgħ lill-pubbliku ġenerali fil-bini tal-kantini tal-inbid irreġistrati.

Raġuni:

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tippermetti lill-Kunsill Regolatorju jadatta l-proċeduri tradizzjonali tal-bejgħ għall-ħtiġijiet tas-settur.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima H tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 9 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika). B’mod aktar speċifiku, ma tinvolvi l-ebda bidla fir-rekwiżit tal-ibbottiljar fis-sors, li diġà kien fis-seħħ.

9.   Struttura ta’ kontroll

Deskrizzjoni:

Saru l-emendi li ġejjin għal din it-taqsima: il-leġiżlazzjoni applikabbli, l-awtorità kompetenti u l-link li tipprovdi informazzjoni dwar il-korp ta’ kontroll inkarigat mill-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda tikkonċerna t-Taqsima I tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

Raġuni:

Qed tiġi aġġornata l-informazzjoni.

10.   Emendi għall-Anness 2 (Lista ta’ ismijiet ta’ “pagos” iddefiniti fid-denominazzjoni tal-oriġini) Deskrizzjoni:

Deskrizzjoni:

1.

L-isem ta’ dan l-Anness inbidel għal ANNESS 2. Lista ta’ “pagos” (unitajiet ġeografiċi iżgħar) fiż-żona demarkata.

2.

Il-lista ġiet estiża biex tinkludi l-“pagos” kollha ddefiniti mill-Kunsill Regolatorju.

Din l-emenda tikkonċerna l-Anness 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 6 tad-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

Raġuni:

It-terminoloġija ġiet allinjata ma’ dik użata fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Ġiet miżjuda l-informazzjoni li tidentifika d-demarkazzjoni ġeografika tal-unitajiet ġeografiċi iżgħar kollha. Din id-demarkazzjoni saret fl-2015 u minn dak iż-żmien ’l hawn sar possibbli li tiġi ċċertifikata l-oriġini tal-għeneb.

11.   ġie miżjud l-ANNESS 3.

Deskrizzjoni:

Ġie inkluż ANNESS 3 ġdid (Tikkettar tal-inbejjed protetti bid-denominazzjoni Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda).

L-Anness 3 ġie miżjud bħala test ġdid mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 9 tad-Dokument Uniku ġiet emendata skont dan.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

Raġuni:

Ġew miżjuda dettalji ġodda dwar it-tikkettar u nġabru flimkien dawk inklużi fil-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda tistipula d-dettalji obbligatorji bħall-isem protett, l-identità tal-kantina tal-inbid emittenti u t-tip ta’ nbid, u d-dettalji fakultattivi bħad-ditta, ir-referenzi għall-kategoriji tat-tqaddim tal-inbid, il-kulur, il-“pago” u termini oħra deskrittivi li jistgħu jintużaw soġġett għall-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

12.   Dispożizzjonijiet tranżizzjonali addizzjonali inklużi

Deskrizzjoni:

Ġew stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali addizzjonali għal ċerti rekwiżiti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Dawn huma żidiet ġodda mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma jaffettwawx id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).

Raġuni:

Ċerti emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jeħtieġu xi ftit taż-żmien biex jiġu implimentati.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda

Manzanilla

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid likur

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbejjed likuri

DESKRIZZJONI QASIRA

L-inbejjed protetti bid-denominazzjoni ta’ oriġini Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda, tradizzjonalment magħrufa bl-isem inbejjed Manzanilla, huma nbejjed “generoso” (imsaħħa) li l-karatteristiċi tagħhom huma r-riżultat tal-proċess partikolari ta’ maturazzjoni bijoloġika mwettaq fuq perjodu ta’ mill-inqas sentejn mill-kantini tal-inbid li jinsabu fil-muniċipalità ta’ Sanlúcar de Barrameda.

Il-kulur tal-inbid Manzanilla jvarja minn isfar lewn it-tiben għal ambra, bl-aroma u t-togħma distinti li jiġu mill-proċess ta’ maturazzjoni bijoloġika.

Il-karatteristiċi emblematiċi tagħhom jirriżultaw mill-fatt li l-proċess kollu tal-maturazzjoni jsir taħt saff jew kisja ta’ ħmira “flor”.

Dawn l-inbejjed irid ikollhom kontenut ta’ zokkor ta’ inqas minn 4 grammi għal kull litru u qawwa alkoħolika ta’ mill-inqas 15 % iżda mhux aktar minn 17 % skont il-volum.

Karatteristiċi analitiċi:

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) 15

Aċidità totali minima f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

Prattika enoloġika speċifika

L-intitolament għall-produzzjoni ta’ nbejjed koperti minn din id-denominazzjoni huwa limitat għal 70 litru ta’ nbid għal kull 100 kg ta’ għeneb.

L-istokkijiet kollha tal-inbid li jkunu qed jiġu mmaturati jridu jinħażnu fi btieti tal-ballut li jesgħu mhux aktar minn 1 000 litru. L-inbejjed kollha jrid ikollhom età medja minima ta’ sentejn sabiex ikunu eliġibbli għar-rilaxx.

L-inbejjed jistgħu jissaħħu bl-alkoħol tal-inbid fi kwalunkwe mument fil-proċess tal-produzzjoni u tat-tqaddim.

Is-sulfat tal-kalċju jista’ jiġi miżjud għal finijiet ta’ aċidifikazzjoni fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru:

11 428 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona ġeografika demarkata tinkludi l-art li tinsab fil-muniċipalitajiet ta’ Sanlúcar de Barrameda, Jerez de la Frontera, El Puerto de Santa María, Trebujena, Chipiona, Rota, Puerto Real, Chiclana de la Frontera u Lebrija, kif ukoll iż-żona tal-muniċipalità ta’ San José del Valle delimitata fil-Lvant mill-meridjan 5° 49’ fil-Punent ta’ Greenwich u fit-Tramuntana mill-parallel 36° 58’ tat-Tramuntana.

L-inbejjed protetti jridu jiġu mqaddma fil-kantini tal-inbid li jinsabu fil-muniċipalità ta’ Sanlúcar de Barrameda.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

PALOMINO

 

PALOMINO FINO - LISTÁN BLANCO

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Inbid likur

Hemm raġunijiet storiċi wara l-feġġ tat-teknika tal-ħmira “flor” u s-sistema “solera”, li huma marbuta mat-tradizzjoni antika tal-vinifikazzjoni f’Sanlúcar de Barrameda u l-pożizzjoni ġeografika unika tiegħu. Il-prattiki tat-tkabbir li żviluppaw fil-vinji u l-isforzi biex jiġu identifikati l-aktar kundizzjonijiet ambjentali xierqa għall-proċess ta’ maturazzjoni bijoloġika fil-kantina tal-inbid irriżultaw f’inbejjed b’espressjoni eċċellenti tat-terroir li huma influwenzati ħafna mill-partikolaritajiet tal-ħmira unika “flor” tipika f’Sanlúcar. Il-prossimità għall-baħar u l-umdità għolja jwasslu għal attività intensiva tal-ħmira fuq perjodu twil ta’ żmien, li tagħti lill-inbejjed Manzanilla l-karatteristiċi uniċi tagħhom.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor: L-imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-karatteristiċi partikolari u l-kwalità tal-inbejjed u sabiex jiġi evitat id-deterjorament organolettiku potenzjali li jirriżulta mit-trasport lejn żoni oħra, l-ibbottiljar irid isir fiż-żona tal-produzzjoni demarkata.

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

It-tikketti użati għall-inbejjed protetti jridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli, kif ukoll mal-Anness 3 ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dan japplika kemm għad-dettalji obbligatorji kif ukoll għal dawk fakultattivi fuq it-tikketti.

Il-fliexken irid jkollhom siġilli ta’ kwalità maħruġa mill-Kunsill Regolatorju jew tikketti sekondarji li juru marka distintiva u kodiċi ta’ identifikazzjoni alfanumerika, f’konformità mar-regoli stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. L-unità ġeografika akbar “Andalucía” tista’ tiġi indikata b’mod fakultattiv.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://lajunta.es/3vpjr


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.