ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 443

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
22 ta' Novembru 2022


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-571 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Sessjoni Plenarja kompletament bi preżenza fiżika, 13.7.2022–14.7.2022

2022/C 443/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-571 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Sessjoni Plenarja kompletament bi preżenza fiżika, 13.7.2022–14.7.2022

2022/C 443/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera u ta’ min iħaddimhom (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

15

2022/C 443/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-identità diġitali, is-sovranità tad-data u t-triq lejn tranżizzjoni diġitali ġusta għaċ-ċittadini li jgħixu fis-soċjetà tal-informazzjoni (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

22

2022/C 443/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Analiżi tar-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), inkluża s-sitwazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) f’dan ir-rigward (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

29

2022/C 443/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-azzjoni: prijoritajiet għan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi u s-salvagwardji meħtieġa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

37

2022/C 443/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika dwar iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, bħala parti mill-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

44

2022/C 443/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kost tan-non-Ewropa — il-benefiċċji tas-suq uniku (Opinjoni esploratorja)

51

2022/C 443/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tassazzjoni diġitali (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

58

2022/C 443/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ugwaljanza bejn il-ġeneri (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

63


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-571 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Sessjoni Plenarja kompletament bi preżenza fiżika, 13.7.2022–14.7.2022

2022/C 443/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar(COM(2022) 143 final — 2022/0092 (COD))

75

2022/C 443/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937(COM(2022) 71 final)

81

2022/C 443/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta’ pajjiżi terzi (COM (2022) 120 final — 2022/0074 (COD))

87

2022/C 443/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika(COM(2022) 105 final)

93

2022/C 443/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: COVID-19 — Sostenn tal-istat tat-tħejjija u r-rispons tal-UE: ħarsa ’l quddiem(COM(2022) 190 final)

101

2022/C 443/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari(COM(2022) 141 final)

106

2022/C 443/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji għas-sigurtà u d-difiża(COM (2022) 61 final)

112

2022/C 443/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012(COM(2022) 134 final — 2022/0089 (COD))

116

2022/C 443/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma(COM(2022) 140 final) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE(COM(2022) 142 final — 2022/0095(COD))

123

2022/C 443/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill(COM(2022) 156 final — 2022/0104 (COD)) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar ta’ data ambjentali minn installazzjonijiet industrijali u l-istabbiliment ta’ Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali(COM(2022) 157 final — 2022/0105 (COD))

130

2022/C 443/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Sigurtà tal-provvista u prezzijiet affordabbli tal-enerġija: Għażliet għal miżuri immedjati u tħejjija għax-xitwa li jmiss(COM(2022) 138 final)

140

2022/C 443/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji, fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fir-rigward tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha(COM(2022) 313 final — 2022/0204 (COD))

144

2022/C 443/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika(COM(2022) 222 final)

145


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-571 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Sessjoni Plenarja kompletament bi preżenza fiżika, 13.7.2022–14.7.2022

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023”

(2022/C 443/01)

Relaturi:

Mariya MINCHEVA

Stefano PALMIERI

Kinga JOÓ

Bażi legali

Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura

Adozzjoni fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

196/0/0

1.   Introduzzjoni

1.1

Kemm il-pandemija kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna wrew li huwa kruċjali li l-UE tkun ippreparata sew għal żviluppi mhux mistennija. Dan il-fatt jenfasizza r-rwol tal-attivitajiet ta’ tbassir fl-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe sinjal dgħajjef u fit-tfassil ta’ diversi xenarji, u b’hekk titwitta t-triq għal dawk li jfasslu l-politika tal-UE, l-imsieħba soċjali, u atturi oħra tas-soċjetà ċivili sabiex tittejjeb ir-reżiljenza, jiġu indirizzati r-riskji u jinħatfu l-opportunitajiet. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iħeġġeġ li l-attivitajiet ta’ prospettiva strateġika jiffukaw fuq l-iżviluppi ġeopolitiċi b’mod ħafna aktar prominenti, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll lil hinn minnha (1), inklużi l-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-sigurtà, il-kummerċ, ir-refuġjati u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet li jilqgħuhom.

1.2

Il-pandemija u l-gwerra jixħtu dawl ukoll fuq il-poter u l-importanza tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-kriżijiet u l-għajnuna lin-nies. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi aktar l-importanza tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tagħha billi tipprovdilhom post prominenti fil-politika tal-UE.

1.3

Is-saħħa globali tal-UE ġejja mill-valuri komuni tagħha bbażati fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-mudell soċjali u ekonomiku tagħha. Ix-xokkijiet suċċessivi juru l-importanza tal-ħtieġa li tinbena ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u li jittaffew l-effetti sekondarji ta’ kriżijiet differenti (l-inflazzjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima u n-nuqqas ta’ provvista, it-tfixkil fil-katina tal-provvista). L-Ewropa trid tnaqqas id-dipendenzi u l-esponiment għal fornituri mhux affidabbli iżda, fl-istess ħin, teħtieġ ukoll tibni koalizzjonijiet ma’ msieħba tal-istess fehma u tiddiversifika s-sorsi tagħha ta’ provvista.

1.4

Minbarra l-enerġija, ir-Russja u l-Ukrajna għandhom piż sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-metalli tal-UE, li huma kritiċi għal diversi industriji strateġiċi (2). Iż-żewġ pajjiżi huma esportaturi sinifikanti ta’ diversi prodotti agrikoli, bħall-qamħ u ż-żejt taż-żrieragħ. It-tfixkil fl-esportazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi diġà wassal għal żidiet globali kbar fil-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli. Il-konsegwenzi qegħdin jinħassu speċjalment fl-ifqar pajjiżi tad-dinja u l-ifqar nies huma dawk li ser ibatu l-iżjed. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ awtonomija strateġika u teknoloġika għall-Ewropa u titħaffef il-ħtieġa li jiġu limitati d-dipendenzi tagħna fl-enerġija, fil-materja prima kritika u fl-ikel (3).

1.5

Biex jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi u soċjali drastiċi, il-politika tal-enerġija tal-UE trid tkun realistika u tgħin sabiex tinbena Unjoni tal-Enerġija u jintlaħqu l-miri tal-klima mingħajr ma jitqiegħed piż żejjed fuq il-konsumaturi vulnerabbli u fuq il-ħaddiema, u mingħajr ma xxekkel il-kompetittività tan-negozji Ewropej. L-UE trid taħdem lejn l-għanjiet klimatiċi ambizzjużi tagħha, filwaqt li tiżgura l-istabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi spiża li tkun affordabbli għan-negozji u ċ-ċittadini.

1.6

Is-soċjetajiet Ewropej diġà ntlaqtu serjament mill-pandemija, u din il-kriżi hija xokk kbir ieħor li nħass l-aktar minn dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Is-solidarjetà u l-konverġenza soċjali jridu jkunu wkoll linji gwida fil-politiki futuri tal-UE: ir-risposta għall-gwerra fl-Ukrajna se titlob sagrifiċċji minn kulħadd, u rridu niżguraw li dawn il-piżijiet jinqasmu b’mod ġust. Il-KE tista’ tkompli b’aktar diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar għodod possibbli fuq medda twila ta’ żmien, jiġifieri Skemi ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad biex jindirizzaw problemi sistemiċi li komplew jiġu aggravati mill-kriżi attwali. L-effetti u l-użu ulterjuri possibbli tal-Mekkaniżmu SURE għandhom jiġu eżaminati u diskussi anke mal-imsieħba soċjali.

1.7

Il-KESE jitlob lill-KE li r-regolamentazzjoni aħjar tkun prijorità u jistieden lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi tal-UE japprofondixxu u javvanzaw b’mod konsistenti s-sistema ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-UE fl-aspetti kollha tagħha u jużaw b’mod sistematiku l-għodod u l-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar fil-ħidma tagħhom. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromovi l-prinċipji u l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar fis-servizzi kollha tagħha.

1.8

L-approċċ tal-iżvilupp sostenibbli għandu jiġi adottat bħala għan ġenerali u integrali tal-politiki, tal-programmi u tal-miżuri kollha. Biex tingħata spinta lill-irkupru mill-kriżijiet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw politiki u inizjattivi li jġibu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali simultanjament u jistinkaw għalihom, jiġifieri inizjattivi li jsaħħu l-ambjent tan-negozju, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ekonomija ċirkolari.

1.9

L-irkupru u r-reżiljenza tal-UE b’rabta mal-kriżijiet jiddependu b’mod intrinsiku mit-tkabbir sostenibbli, il-konverġenza soċjali u ambjent ta’ negozju favorevoli u żvilupp pożittiv tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Kwalunkwe miżura ta’ politika li trid tfittex li trawwem negozju, intraprenditorija u ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien imtejba.

1.10

Minkejja l-problemi urġenti, huwa vitali li la jitwarrbu l-prinċipji fundamentali tal-UE bħall-implimentazzjoni effettiva tas-suq uniku, u lanqas il-ħtiġijiet fit-tul, bħan-newtralità klimatika sal-2050, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, sabiex jiġi żgurat futur ta’ suċċess għaċ-ċittadini u n-negozji. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkompli tiffaċilita u tħeġġeġ l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jiġu kkunsidrati kif imiss il-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu, sabiex jinstabu soluzzjonijiet u titjieb ir-reżiljenza kontra riskji ġeoekonomiċi, soċjetali, tas-saħħa u ambjentali.

1.11

Minbarra t-tisħiħ tas-suq intern u t-tnaqqis tad-dipendenzi kritiċi, il-ksib ta’ pożizzjoni aktar b’saħħitha fid-dinja teħtieġ ukoll is-suċċess tal-esportazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha teżamina kif tista’ żżid il-kompetittività tan-negozji Ewropej b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, tiffaċilita pożizzjoni aktar b’saħħitha tal-kumpaniji tal-UE fis-swieq globali ta’ teknoloġiji, prodotti u soluzzjonijiet li jirrispondu għall-megatendenzi u għall-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima. Trid issaħħaħ ukoll il-kapaċità tas-settur tas-saħħa tagħha, f’termini ta’ riċerka u metodoloġiji mtejba biex tiġġestixxi d-domanda dejjem akbar għall-kura kif ukoll pandemiji futuri possibbli. Dan għandu jinkludi appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni internazzjonali tal-istandards minn negozji u innovaturi Ewropej peress li l-istandards joħolqu l-iswieq.

1.12

Il-ksib ta’ rwol globali u aktar b’saħħtu għall-UE jeħtieġ għaqda soda u l-isforzi konġunti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tibni fuq l-għaqda miksuba waqt kriżi u ssib modi kif ittejjeb l-irkupru tal-UE u l-kompetittività fit-tul u l-benesseri taċ-ċittadini b’mod li jkun dejjem aktar dipendenti mill-innovazzjoni u l-ħiliet, aktar milli mill-għajnuna mill-istat jew l-ostakli għall-kummerċ u l-kooperazzjoni. Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tkompli tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

2.1

Il-KESE appoġġja l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u rrimarka li dan jeħtieġ li jsir b’mod soċjalment ġust, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel Ewropea kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezz affordabbli. Dan japplika, fost oħrajn, għall-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, li se jkollu impatt inugwali fuq is-setturi, ir-reġjuni, il-komunitajiet, u l-individwi madwar l-Ewropa. Il-KESE jinsisti li l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti huwa importanti kemm fl-ippjanar kif ukoll fil-fażijiet tal-implimentazzjoni. Huwa essenzjali li ċ-ċittadini u l-gruppi tal-partijiet interessati jiġu appoġġjati fil-mobilizzazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fit-tranżizzjoni lejn soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

2.2

Il-KESE jinnota li l-inizjattivi relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew iridu jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin fl-oqsma tal-klima, tal-enerġija, tat-trasport, tal-bini, tal-industrija, tal-forestrija u tas-sistemi tal-ikel, biex tintlaħaq ekonomija tal-UE kompetittiva, ġusta, newtrali għall-klima u ċirkolari. Il-KESE jitlob ukoll komplementarjetà mtejba bejn it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali.

2.3

Biex jiġi mmonitorjat il-progress fit-tranżizzjoni lejn tkabbir ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob l-iżvilupp ta’ sett ta’ indikaturi xierqa “lil hinn mill-PDG”. Għandha titfassal tabella ta’ valutazzjoni “Lil hinn mill-PDG” u tiġi inkorporata fit-tabella ta’ valutazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-proċess ta’ governanza ekonomika Ewropew. Għandha tinforma wkoll l-iżvilupp tal-politika, ittejjeb il-komunikazzjoni, u tippromovi l-iffissar tal-miri.

2.4

Il-KESE jappoġġja l-għan tat-Tassonomija Ewropea għal Attivitajiet Sostenibbli (“it-tassonomija tal-UE”) biex l-investimenti jiġu orjentati lejn proġetti u attivitajiet sostenibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni fasslet sett ta’ regoli biex tiddetermina x’jista’ jissejjaħ investimenti ambjentalment (ekoloġiċi). Il-KESE jappella għall-iżvilupp tat-tassonomija b’mod li jqis il-ħtiġijiet tas-soċjetà bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-materja prima u l-komoditajiet essenzjali, u jiffoka wkoll aktar fuq aspetti tas-sostenibbiltà soċjali bħad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri u diversi sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali u l-fattibbiltà ta’ valutazzjoni oġġettiva fil-kuntest tal-aċċess għall-finanzi. Sa mill-bidu, il-KESE argumenta li l-Patt Ekoloġiku jista’ u ser ikun ta’ suċċess biss jekk ikun ukoll patt soċjali. Rigward l-aspetti soċjali tat-tassonomija, il-KESE bħalissa qiegħed jaħdem fuq Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “It-tassonomija soċjali – sfidi u oppurtunitajiet”. It-tassonomija għandha tintuża wkoll fil-kuntest tal-istandard għall-Bonds Ħodor tal-UE. Il-KESE jqis li huwa importanti li t-tassonomiji jiġu allinjati internazzjonalment fil-qafas tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli.

2.5

Biex tindirizza t-tħassib soċjali u t-tħassib tal-forza tax-xogħol tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta’ politika addizzjonali sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali u dik tal-forza tax-xogħol tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi tiġi mqabbla ma’ għanijiet soċjali ambizzjużi, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto, mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u mal-linji gwida tal-ILO għal Tranżizzjoni Ġusta. B’mod partikolari, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu mmappjar u analiżi tal-impatti li t-tranżizzjoni ekoloġika se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet fil-pajjiżi, fir-reġjuni u fis-setturi differenti, inklużi s-sottokuntratturi u l-ktajjen tal-valur downstream. Il-KESE jitlob ukoll li jiġi żgurat li l-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jkun fihom strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu antiċipati u mmaniġġjati l-bidliet fid-dinja tax-xogħol, inkluż permezz ta’ appoġġ immirat bħat-titjib tal-ħiliet meħtieġa, l-iżgurar tal-protezzjoni soċjali, u l-involviment tas-soċjetà kollha involuta fit-tiswir tat-tranżizzjoni, kif ukoll proposti addizzjonali biex jiġu mobilizzati investimenti pubbliċi u privati massivi sabiex jiġu appoġġjati t-tranżizzjonijiet, u jiżdiedu b’mod sinifikanti d-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta biex tlaħħaq mal-isfidi.

2.6

Il-KESE jitlob biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju tal-UE jippermetti lin-negozji tal-UE, inklużi l-SMEs, jiġu minn ta’ quddiem fin-negozju ekoloġiku, filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li l-produzzjoni tiġi spostata u jiġu protetti kontra l-importazzjonijiet b’impatt ambjentali negattiv akbar. Dan japplika speċjalment għall-industriji li jużaw ħafna enerġija. Il-KESE jitlob ukoll appoġġ għall-SMEs sabiex jifhmu u jimmaniġġjaw aħjar ir-rekwiżiti klimatiċi u ambjentali li qed jiżdiedu u li huma mmirati lejhom, kemm direttament kif ukoll indirettament.

2.7

Il-KESE jitlob appoġġ b’saħħtu għall-innovazzjoni tal-industriji sabiex jiżviluppaw u jużaw teknoloġiji, materjali, prodotti, proċessi ta’ produzzjoni u mudelli ta’ negozju ekoloġiċi, billi jiġu ffaċilitati, pereżempju, programmi dwar l-idroġenu, il-batteriji, is-semikondutturi, il-qbid u l-użu tal-karbonju, u l-prattiki tal-ekonomija ċirkolari f’diversi oqsma, fosthom l-imballaġġ.

2.8

Biex jissaħħaħ l-impatt globali tal-UE fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-UE għandha tipprovdi kundizzjonijiet kompetittivi lill-industriji tal-UE biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni pprovduti mid-domanda globali tat-teknoloġiji u tas-soluzzjonijiet klimatiċi u b’hekk iżżid il-handprint tal-karbonju tal-UE.

2.9

L-alleanzi industrijali qed juru li huma metodu ta’ suċċess għall-iżvilupp ta’ proġetti industrijali fuq skala kbira u transfruntiera f’oqsma strateġiċi. Dawn l-alleanzi industrijali, flimkien ma’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs), huma kruċjali għall-irkupru u l-promozzjoni ta’ standards Ewropej u teknoloġiji ewlenin, b’mod partikolari f’oqsma fejn is-suq waħdu ma jistax jagħti riżultati jew qed jiġi mfixkel.

2.10

Il-progress lejn Unjoni tal-Enerġija reali għandu jissaħħaħ biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni enerġetika lejn sistema tal-enerġija affordabbli, sikura, kompetittiva u sostenibbli. Meta jitqiesu l-isfidi attwali kkawżati mill-gwerra tar-Russja u l-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq miżuri li simultanjament joħolqu l-akbar benefiċċju b’rabta mal-għanjiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija u jikkontribwixxu għall-isfidi akuti u l-għanijiet fit-tul.

2.11

Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna wasslet għall-Komunikazzjoni, REPowerEU (4), li, fuq talba tal-Kunsill Ewropew kienet segwita mill-Pjan REPowerEU bi proposti (5), li, jekk jiġu implimentati kif suppost jaċċelleraw b’mod sinifikanti kemm l-indipendenza tal-enerġija kif ukoll is-sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea. L-għan li nsiru indipendenti mill-gass Russu u fjuwils fossili oħra jeħtieġ kemm diversifikazzjoni urġenti tal-fornituri u tas-sorsi tal-enerġija, aktar solidarjetà kif ukoll miżuri fit-tul li jippromovu t-tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-karbonju, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi ta’ Stati Membri u reġjuni differenti u s-sorsi alternattivi disponibbli. Madankollu, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-proċess, irid jiġi mmobilizzat investiment privat u pubbliku suffiċjenti, inkluż użu sħiħ mill-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-politika ta’ koeżjoni, fost oħrajn. Kif indikat diġà (6), it-tnaqqis tad-domanda għall-gass Russu b’żewġ terzi sal-aħħar tal-2022 huwa kompitu ambizzjuż u jkun ifisser diversifikazzjoni, minn naħa waħda, u primarjament fuq terminu ta’ żmien qasir permezz tal-LNG u l-bijometan, u min-naħa l-oħra permezz ta’ effiċjenza enerġetika u l-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għandha tiġi evitata infrastruttura permanenti li toħloq limitazzjonijiet futuri fuq alternattivi realistiċi u l-investimenti għandhom ikunu ffukati kemm jista’ jkun fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastrutturi ta’ appoġġ. L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti mill-qrib f’dawn il-proposti ta’ politika biex jiżguraw l-aċċettazzjoni soċjali, is-sostenibbiltà u s-suċċess tagħhom. Barra minn hekk, biex jiżdied il-livell ta’ rispons għal kriżijiet esterni, ikun hemm bżonn struttura ta’ koordinazzjoni permanenti fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.12

L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija tal-UE ser ikollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-affordabbiltà u tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Għal dan l-iskop għandhom jiġu skjerati l-kapaċità ta’ interkonnessjoni suffiċjenti (7) meħtieġa u l-infrastruttura korrispondenti, b’mod partikolari fil-“gżejjer” tal-enerġija (bħall-Peniżola Iberika (8)). Biex jiġi promoss vantaġġ kompetittiv tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u biex jiġi żgurat li l-iskjerament tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jipperikolax is-sigurtà tal-provvista, għandu jitfassal pjan direzzjonali realistiku għall-iżvilupp u l-iskjerament ta’ infrastruttura effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli, li jinkludi kapaċitajiet ta’ ħżin u interkonnessjoni suffiċjenti tat-trażmissjoni li jagħmluha possibbli li l-produzzjoni żejda tiġi esportata lejn Stati Membri oħra. Biex tiġi skjerata infrastruttura għal enerġija nadifa malajr, l-Istati Membri jeħtieġ li jħaffu r-ritmu tal-ħruġ tal-permessi.

2.13

Bil-għan li tiżgura t-tisħiħ ta’ kundizzjonijet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-UE għandha tippromovi pprezzar tal-karbonju globali. It-tassazzjoni tal-karbonju għandha tiġi żviluppata u ssimplifikata sabiex tirrifletti l-impatt fuq il-klima b’mod simmetriku u għandha tqis miżuri sabiex jiġi sekwestrat il-karbonju mill-atmosfera. Barra minn hekk, il-KESE għandu jaħdem fuq il-mira tiegħu li jelimina gradwalment is-sussidji fuq sorsi ta’ enerġija li jagħmlu ħsara lill-klima u lill-ambjent, filwaqt li jiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b’mod ġust.

2.14

Iż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-enerġija tippreżenta theddida kbira kemm f’termini ta’ aktar faqar enerġetiku kif ukoll f’telfien tal-kompetittività għal kumpaniji li jużaw l-enerġija. Il-KESE jitlob azzjonijiet li jtaffu b’suċċess l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u li jipprevjenu l-faqar enerġetiku fost l-unitajiet domestiċi tal-UE. Huma meħtieġa wkoll miżuri temporanji u mmirati sew biex jillimitaw l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija biex l-SMEs u l-industriji intensivi fl-enerġija jiġu megħjuna jkampaw matul il-kriżi.

2.15

Bħala parti tal-kunsiderazzjoni fit-tul ta’ kif is-suq tal-enerġija qed jirreaġixxi għax-xokkijiet, huwa importanti li jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali taż-żidiet fil-prezz tal-enerġija (bħalissa l-prezz tal-gass), kif suġġerit mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), abbażi tal-valutazzjoni reċenti tagħha (9) tad-disinn tas-suq tal-elettriku u tas-sistema tal-ipprezzar attwali. Barra minn hekk, tista’ tiġi kkunsidrata reviżjoni rigward is-swieq fejn hemm konċentrazzjoni għolja ta’ provvista tal-enerġija, u b’hekk l-operazzjoni normali tista’ titħarbat.

2.16

Iċ-ċittadini u l-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz tal-appoġġ tal-enerġija komunitarja u tas-sjieda lokali, kif ukoll permezz tat-trasformazzjoni minn konsumaturi għal prosumaturi tal-enerġija. Il-KESE jitlob li jkun hemm kampanji trasparenti ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u edukazzjoni biex iħeġġu l-impenn taċ-ċittadini lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija.

2.17

Il-KESE jitlob ukoll li tingħata aktar attenzjoni lil problemi fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali fil-karbonju, b’mod partikolari b’rabta ma’ industriji li għal diversi raġunijiet tekniċi u/jew finanzjarji jeħtieġu xi żmien biex jadattaw sabiex iżommu l-kompetittività fis-suq.

2.18

Il-KESE laqa’ l-aġġornament tar-Regolament TEN-T sabiex iwieġeb aħjar għal għanjiet u ħtiġijiet topiċi. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u lid-definizzjoni ta’ network li jgħaqqad il-bliet kapitali kollha, il-bliet ewlenin, il-portijiet, l-ajruporti u t-terminals kollha tal-Istati Membri, abbażi tal-Kurituri Ewropej. Il-kurituri għandhom jinkludu, kif xieraq, “pontijiet tal-baħar” jew konnessjonijiet bil-baħar ro-ro regolari ta’ densità għolja bejn portijiet tal-kuritur. Fir-rigward tal-koeżjoni territorjali, il-KESE jqis li jeħtieġ li l-Kurituri tan-Network Ewlieni jkunu konnessi aħjar mad-dimensjoni lokali, urbani u reġjonali. Għandhom jiġu identifikati wkoll lakuni bejn ir-rekwiżiti tekniċi tat-TEN-T u r-rekwiżiti tal-mobbiltà militari sabiex jiġi implimentat użu doppju tal-infrastruttura tat-trasport.

2.19

Minħabba ż-żmien pjuttost twil ta’ żvilupp tal-proġetti TEN-T, il-KESE jappoġġja qafas Ewropew tar-regolamentazzjoni u l-finanzjament li jipprovdi stabbiltà fuq perjodu ta’ żmien medju u twil f’termini tal-kurituri u l-proġetti sakemm jiġi kkompletat in-Network Ewropew. Il-KESE jitlob ukoll pjani nazzjonali urġenti għal finanzjament ordinarju jew straordinarju għall-manutenzjoni tal-infrastrutturi tat-TEN-T, kif ukoll pjan ta' monitoraġġ tan-Network Ewlieni fil-livell Ewropew.

2.20

Meta jitqies ir-rwol essenzjali tal-avjazzjoni għall-UE, il-KESE jitlob li jkun hemm approċċ komprensiv u effettiv għall-promozzjoni tal-irkupru u t-tkabbir tal-avjazzjoni sostenibbli.

2.21

Biex jikkontribwixxi għall-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, il-KESE jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet regolatorji favorevoli għall-użu ta’ vetturi tat-trasport tal-merkanzija akbar u itqal u ta' kombinazzjonijiet ta’ vetturi fl-Istati Membri kkonċernati u bejniethom. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra l-isfidi futuri u speċifiċi tat-trasport tal-merkanzija, u l-iskarsezza prevista ta’ sewwieqa tat-trakkijiet fis-snin li ġejjin, kemm f’termini ta’ nuqqas ta’ tiġdid ġenerazzjonali kif ukoll f’termini ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ merkanzija multimodali huwa importanti biex tissaħħaħ l-attrattività tal-merkanzija bil-ferrovija bħala parti minn katina loġistika kompluta, flimkien ma’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport.

2.22

Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp tal-qafas ta' mobbiltà urbana tal-UE u jitlob li t-trasport urban, speċjalment it-trasport pubbliku, isir aktar inklużiv, biex b’hekk jiġu promossi opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini.

2.23

Biex tissaħħaħ il-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, il-KESE jitlob li jkun hemm inizjattiva b’saħħitha mill-Kummissjoni biex tniedi proġetti diġitali fuq skala kbira dwar it-trasport, li huma essenzjali, pereżempju, għall-multimodalità effiċjenti u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-kapaċitjiet.

2.24

Minħabba li s-sistemi tal-enerġija, tat-trasport u dawk diġitali huma dejjem aktar konnessi, hemm bżonn ta’ Networks Integrati tat-Trasport, Diġitali u tal-Enerġija. Sabiex jittejbu s-sinerġiji u tiżdied ir-reżiljenza globali tal-infrastrutturi ġenerali, il-KESE jitlob li jkun hemm reviżjoni tal-konġestjonijiet u tal-vulnerabbiltajiet kbar fir-rigward tal-interkonnessjonijiet ta’ dawn is-sistemi, kemm mill-perspettivi attwali, kif ukoll dawk fit-tul.

2.25

Il-KESE jitlob ukoll li tiżdied ir-reżiljenza tan-network tal-enerġija, tat-trasport u n-network diġitali għat-tibdil fil-klima, għal perikli naturali, u għad-diżastri kkawżati mill-bniedem, sabiex jiġi ġġenerat u miżmum il-valur dejjiemi tal-infrastruttura. Kollox ma’ kollox, il-KESE jitlob li jkun hemm miżuri li jtejbu l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

2.26

Biex tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel u l-kompetittività tal-produtturi Ewropej, il-KESE jitlob li jkun hemm trawwim ta’ awtonomija strateġika miftuħa, inkluża awtonomija mtejba tal-proteini, l-iżgurar tar-reċiproċità tal-istandards tal-kummerċ (ekonomiċi, soċjali, ambjentali), il-promozzjoni tar-riċerka, it-titjib tad-diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u żrieragħ innovattivi, u l-promozzjoni ta’ prezzijiet ġusti li jinkludu spejjeż ogħla tal-input u spejjeż għal aktar sostenibbiltà.

2.27

Il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd għandhom jagħtu kontribut sinifikanti għal sistemi tal-ikel aktar sostenibbli u reżiljenti. Għandha tiġi żgurata parteċipazzjoni strutturata u wiesgħa tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-proposta għal qafas leġiżlattiv għas-sistemi tal-ikel sostenibbli għandha tinkludi miri ċari, indikaturi, mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u valutazzjoni ta’ monitoraġġ b’saħħithom.

3.   Ewropa lesta għall-era diġitali

3.1

Il-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna enfasizzaw l-importanza kritika tat-teknoloġiji diġitali u l-ħtieġa li l-UE żżid is-sovranità diġitali tagħha. Il-KESE laqa’ l-Kumpass Diġitali u l-Perkors għad-Deċennju Diġitali u jitlob li jkun hemm introduzzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ governanza u l-iffaċilitar ta’ implimentazzjoni rapida tal-miri. Il-pandemija enfasizzat ukoll l-isfidi li tista’ toħloq it-tranżizzjoni diġitali u l-KESE jitlob li jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew, nazzjonali u tal-industrija biex jiġi żgurat li din it-tranżizzjoni tkun ukoll waħda ġusta.

3.2

Il-KESE jsib li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija kruċjali fl-evalwazzjoni tal-progress u l-valutazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri, inkluż permezz ta’ proġetti f’diversi pajjiżi. Il-KESE jitlob ukoll li r-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali jikkontribwixxi għall-kodiviżjoni tal-għarfien u tal-prattiki tajba bejn l-Istati Membri.

3.3

Il-KESE saħaq dwar il-ħtieġa li t-trasformazzjoni diġitali sseħħ b’mod sostenibbli, li tiffoka fuq il-bniedem u b’mod inklużiv li jaħdem għal kulħadd, mingħajr ma tkompli tapprofondixxi l-firda diġitali eżistenti jew toħloq inugwaljanzi ġodda, filwaqt li tiżgura l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Għal dan il-għan, huwa importanti wkoll li jiġu antiċipati u mmaniġġjati l-bidliet fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li jsir użu mid-djalogu soċjali f’diversi livelli u jissaħħu l-ħiliet meħtieġa u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, inkluż fit-telexogħol u fix-xogħol fuq il-pjattaformi, billi tiġi segwita evalwazzjoni fil-livell tal-UE tal-hekk imsejjaħ “dritt għall-iskonnessjoni”.

3.4

L-investiment fl-infrastruttura diġitali li tiżgura aċċessibbiltà aħjar u l-iżvilupp tas-suq uniku fid-data huma faċilitaturi essenzjali u meħtieġa ta’ żvilupp diġitali adatt fir-reġjuni kollha tal-UE. Il-KESE jitlob implimentazzjoni effiċjenti ta’ miżuri li jsaħħu l-moviment liberu tad-data, filwaqt li jiżguraw protezzjoni xierqa tad-data, il-privatezza u l-proprjetà intellettwali.

3.5

L-UE għandha tkompli l-progress lejn l-istabbiliment ta’ sistema ta’ konnettività sikura u awtonoma bbażata fl-ispazju għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita garantiti u reżiljenti, li ser iżżid id-disponibbiltà tal-broadband b’veloċità għolja u konnettività bla xkiel madwar l-Ewropa,

3.6

Il-KESE jqis li huwa importanti li jitkompla l-iżvilupp tas-sistemi tat-trasport intelliġenti lejn Spazju Komuni Ewropew tad-Data dwar il-Mobbiltà, jiġifieri effiċjenza mtejba u prerekwiżiti għal kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, kif ukoll għal multimodalità bla xkiel.

3.7

Il-KESE jqis li huwa raġonevoli li jkun hemm dipendenza minn parteċipanti b’saħħithom fis-suq Ewropew biex jimplimentaw servizzi finanzjarji diġitali. Il-KESE jqis li hemm bżonn urġenti ta’ azzjoni biex is-settur kriptografiku jsir trasparenti u biex jiġu protetti l-utenti finali tal-finanzi diġitali, tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, tiġi protetta l-integrità tas-settur finanzjarju tal-UE, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-operaturi differenti fis-sistema ekonomika u f'dik finanzjarja kif ukoll biex is-settur kriptografiku jiġi ggwidat lejn mekkaniżmi operattivi aktar sostenibbli u inqas intensivi fl-enerġija.

3.8

Billi l-ħiliet u l-kompetenzi huma faċilitaturi essenzjali tat-trasformazzjoni diġitali, il-KESE jitlob li jkun hemm żvilupp kontinwu ta’ modi, kemm biex iżidu t-talent ta’ livell għoli, kif ukoll biex isaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċittadini u tal-ħaddiema biex jaħtfu aħjar l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni u biex jiġu mmaniġġjati r-riskji relatati magħha.

3.9

Sabiex tingħata spinta lill-eċċellenza tal-UE fid-diġitalizzazzjoni, il-kumpaniji Ewropej jeħtieġu kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni, l-investiment u l-operat, meta mqabbla ma’ kompetituri barranin. Meta jitqies li l-kooperattivi huma partikolarment adattati biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni inklużiva fil-governanza tal-pjattaformi diġitali, il-KESE jħeġġeġ il-provvista ta' inizjattivi li jippromovu l-iżvilupp ta’ pjattaformi kooperattivi diġitali.

3.10

Meta jiġu promossi negozji innovattivi, irid jiġi żgurat li n-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jkunu jistgħu jiġu involuti fil-progress. u jibbenefikaw minnu. Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li jittejjeb l-użu tal-IA u ta’ teknoloġiji avvanzati oħra, iżda jrid jiġi rikonoxxut ukoll li ħafna SMEs iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi saħansitra fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali bażiċi.

3.11

Huwa dejjem aktar importanti għall-atturi kollha, inkluż ktajjen ta’ valur sħaħ, li tingħata l-attenzjoni dovuta liċ-ċibersigurtà, u l-kriżijiet enfasizzaw aktar minn qatt qabel l-importanza tagħha biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ekonomija u s-soċjetà u biex jinżammu konnessjonijiet internazzjonali. Dan jitlob azzjoni msaħħa mill-Istati Membri, inkluża kooperazzjoni ffaċilitata mill-Kummissjoni. Huwa wkoll dejjem aktar importanti li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li ma tintużax bħala skuża biex jiġu limitati l-libertajiet pubbliċi, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni.

3.12

Il-KESE jitlob li jkun hemm mobilizzazzjoni ta’ finanzjament, kemm pubbliku kif ukoll privat, biex jiġi ffaċilitat l-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll fl-infrastruttura teknika. Il-qafas regolatorju huwa fattur ġenerali ieħor li jsawwar l-iżvilupp diġitali. Il-KESE jqis li huwa importanti li r-regolazzjoni li qed tevolvi, tħeġġeġ l-innovazzjoni, l-investiment u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u mal-għanjiet ambjentali u klimatiċi.

3.13

Peress li d-diġitalizzazzjoni għadha xprun importanti għat-tkabbir ekonomiku globali, il-KESE jemmen li l-politiki relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata għandhom ifittxu li jippromovu, u mhux ixekklu, it-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ u l-investiment transfruntiera.

3.14

Kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u bbażati fuq ir-regoli għall-attivitajiet diġitali huma importanti wkoll fil-livell internazzjonali, u s-suq uniku jwitti t-triq biex l-UE tkun attur globali influwenti u b’saħħtu. Il-KESE jitlob li jsir użu minn firxa wiesgħa ta’ għodod, mill-azzjoni diplomatika sal-kooperazzjoni fl-innovazzjoni u ftehimiet kummerċjali, biex jiġu promossi l-approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u l-affidabbiltà tat-teknoloġiji diġitali. Minħabba li din hija entità li tistabbilixxi l-istandards globali, teħtieġ ukoll kompetittività globali, li tistrieħ fuq kooperazzjoni soda bejn l-Istati Membri.

4.   Ekonomija li topera għan-nies

4.1

L-iżvilupp soċjoekonomiku attwali huwa akkumpanjat minn livell għoli ta’ inċertezza assoċjata mal-pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja, u huwa aggravat aktar mill-gwerra fl-Ukrajna u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru mar-Russja. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jsaħħu u jikkoordinaw b’mod effiċjenti l-politiki ekonomiċi, tas-saħħa u soċjali tagħhom, jindirizzaw b’mod effettiv l-iżbilanċi makroekonomiċi u jiżguraw finanzi pubbliċi sodi. Fl-istess waqt, iridu jtejbu wkoll il-kwalità u l-kompożizzjoni tal-investimenti pubbliċi tagħhom biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, inkluż billi jinkoraġġixxu l-investiment privat, sabiex jappoġġjaw it-trasformazzjoni soċjoekoloġika tal-ekonomija, bil-għan li jippromovu livell għoli ta’ impjieg, impjiegi ta’ kwalità għolja, il-benesseri, jiżguraw dħul adegwat, filwaqt li jiżguraw li ma jnaqqsux il-motivazzjoni tan-nies li jkunu attivi fis-suq tax-xogħol.

4.2

L-UE għandha tiffoka fuq vantaġġ kompetittiv għall-industrija u l-impjiegi tal-UE bħala elementi kruċjali għall-prosperità, kif ukoll fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar fil-proċess ta’ rkupru. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħala l-istrument ta’ gwida għall-politika soċjali tal-UE, għandu jkun fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru biex jiġi żgurat li l-irkupru ekonomiku u dak soċjali jimxu id f’id. L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-appoġġ ta’ gruppi vulnerabbli permezz ta’ politiki attivi u inklużivi akkumpanjati minn servizzi soċjali essenzjali u abilitanti.

4.2.1

Abbażi tas-suċċess konġunturali tagħhom, kemm in-Next Generation EU, kif ukoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jiġu vvalutati bħala għodod effettivi biex jirrispondu għall-kriżi attwali kkawżata mill-gwerra, li aktarx ser twassal għal konsegwenzi drammatiċi għall-ekonomija Ewropea. Dawn l-għodod jikkumplimentaw il-mekkaniżmi strutturali eżistenti biex jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-konverġenza ’l fuq, jipproteġu l-kundizzjonijiet tal-għajxien, u jiżguraw il-paċi soċjali u l-istabbiltà fl-UE.

4.3

L-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jieħdu miżuri biex itaffu l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna, kemm sabiex jimminimizzaw iż-żieda fil-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u l-intrapriżi, kif ukoll biex jappoġġjaw l-ekonomija u l-impjiegi bl-aġġustament tal-miżuri ta’ emerġenza eżistenti. Biex tgħin lill-intrapriżi jlaħħqu mal-kriżijiet u jkunu jistgħu joħolqu u jżommu l-impjiegi, il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament l-impatti tal-pandemija u tal-gwerra fuq in-negozji tal-UE ta’ kull daqs, u tkun ippreparata għal miżuri ta’ appoġġ temporanji neċessarji, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni.

4.4

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv li l-investimenti jiġu orjentati mill-ġdid b’tali mod li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija sostenibbli. Fit-twettiq ta’ dan, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lil “greenwashing” jew “sustainability washing” qarrieqa. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni ser tinvolvi attivament lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ finanzjament sostenibbli.

4.5

L-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jkollhom spazju fiskali xieraq biex jiġġieldu kontra l-impatti ekonomiċi u soċjali negattivi tal-gwerra fl-Ukrajna. Dan ikompli jsaħħaħ il-ħtieġa għar-reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri jridu jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom waqt perjodi ta’ tkabbir pożittiv biex dan jagħmilha possibbli li jkun hemm reazzjoni waqt riċessjonijiet. F’dan l-isfond ukoll, il-KESE jtenni t-twissija tiegħu kontra d-diżattivazzjoni prematura tal-klawżola ġenerali ta’ salvataġġ.

4.5.1

Barra minn hekk, il-KESE jitlob għal qafas ta’ governanza ekonomika orjentat lejn il-prosperità rivedut u bbilanċjat mill-ġdid, li jagħti l-istess piż lil firxa ta’ għanijiet ta’ politika ewlenin, bħal tkabbir sostenibbli u inklużiv, impjieg sħiħ u xogħol deċenti, ekonomija tas-suq soċjali u kompetittiva u finanzi pubbliċi stabbli. Ekonomija Ewropea kompetittiva li tkun ukoll soċjalment u ambjentalment sostenibbli hija prerekwiżit għat-tisħiħ tal-prosperità tal-Ewropej kollha.

4.5.2

Ukoll, l-ekonomiji li fihom il-politiki fiskali nazzjonali jirrikonoxxu l-ħtieġa li jinbnew riżervi ta’ dħul fi żminijiet ta’ tkabbir, mentri jibqa’ jiġi żgurat l-investiment meħtieġ għall-prosperità futura, se jkunu aktar reżiljenti fil-ġlieda kontra l-impatti negattivi tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku.

4.5.3

Ser ikun essenzjali l-infurzar adatt tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, rivedut wara l-konklużjoni tar-rieżami li għaddej bħalissa, preferibbilment b’regoli simplifikati u proċikliċità mnaqqsa u li jirrifletti l-kuntest ta’ wara l-pandemija, sabiex jgħin lill-Istati Membri jpoġġu l-finanzi pubbliċi tagħhom fuq pedament sostenibbli u jsaħħu l-fiduċja fl-investiment. Kwalunkwe qafas fiskali futur jeħtieġ: li a) jippromovi finanzi pubbliċi sostenibbli li jippermettu aktar investimenti pubbliċi; b) jippermetti politika aktar kontroċiklika, u c) jippermetti flessibbiltà akbar u divrenzjar speċifiku għall-pajjiżi fir-rigward tal-perkorsi ta’ aġġustament tad-dejn, filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi s-sostenibbiltà fiskali. B’mod aktar speċifiku, waħda mill-proposti ewlenin tal-KESE għar-reviżjoni tal-qafas fiskali hija li tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti pubbliċi, mingħajr ma tikkomprometti l-istabbiltà fiskali u finanzjarja fuq terminu medju u l-valur tal-euro, flimkien ma’ regola tal-infiq.

4.5.4

Għalhekk, kemm il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew iridu jżommu r-rwol prominenti tagħhom fil-qafas futur tal-governanza ekonomika tal-UE, sabiex isaħħu r-responsabbiltà demokratika tal-Unjoni. Il-KESE ħa nota tal-idea li titwaqqaf Skema għall-Qgħad, li oriġinarjament kienet inkluża fil-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tal-effetti tal-kriżi tal-COVID u l-gwerra attwali fl-Ukrajna, il-KE tista’ tkompli b’aktar diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-imsieħba soċjali dwar għodod possibbli fuq medda twila ta' żmien, jiġifieri Skemi ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad, biex tindirizza problemi sistemiċi.

4.6

Il-mekkaniżmu SURE (10) kellu rwol fundamentali biex itaffi l-impatt tal-pandemija, u wera li huwa għodda effettiva. B’dan bħala tagħlima, il-KESE jitlob li tiġi vvalutata l-possibilità għal użu ulterjuri ta’ dan il-mekkaniżmu.

4.7

L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja jimxi id f’id mat-tisħiħ tal-governanza ekonomika, inkluż it-tlestija tal-unjoni bankarja u tas-swieq kapitali u t-tisħiħ tar-rwol tas-Semestru Ewropew fiż-żieda tat-tkabbir, tal-koeżjoni, tal-inklużività, tal-kompetittività u tal-konverġenza.

4.8

Il-KESE jqis li, minħabba l-isfidi maħluqa mill-gwerra, u b’mod partikolari l-ħtieġa li dejjem qiegħda tikber kemm għan-nefqa tad-difiża kif ukoll għan-nefqa tal-enerġija, jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda ta’ riżorsi proprji mill-Unjoni Ewropea.

4.9

Il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali fl-Istati Membri ma toħloqx ambitu suffiċjenti għal aċċess aktar faċli għan-negozji għar-riżorsi finanzjarji fis-suq uniku kapitali. Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar progress fl-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-mezzi ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-kontribut tas-settur privat għall-isforzi ta’ investiment. Il-KESE jitlob li f’dan il-proċess jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju u, b’mod partikolari, jilqa’ l-isforzi għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jitqiesu r-riskji tas-sostenibbiltà soċjali, li qed jipperikolaw il-koeżjoni soċjali minħabba d-distakki fid-distribuzzjoni li qed jiżdiedu. Ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju għandha tagħti prijorità wkoll lill-effiċjenza aktar milli lill-kumplessità u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

4.10

Il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju, l-effiċjenza tar-regoli tal-protezzjoni, u t-tnaqqis tal-asimmetriji tal-informazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji u ċ-ċittadini.

4.11

Is-Suq Uniku Ewropew għandu jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu. Il-qligħ ekonomiku jista’ jiġi żgurat kemm permezz ta’ applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar effettiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti, kif ukoll permezz tal-approfondiment tagħha. It-tneħħija ulterjuri ta’ ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi ġġib magħha benefiċċji għal kulħadd – għall-klijenti, għall-ħaddiema u għan-negozji. Il-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku jiddependi wkoll mis-sikurezza u l-kwalità tal-oġġetti u s-servizzi.

4.12

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE u li tippromovi l-evitar tat-taxxa. Il-Kumitat jemmen li unjoni monetarja effettiva tirrikjedi politika fiskali koerenti u konsistenza bejn ir-regoli fiskali tal-membri tagħha. Il-KESE ppropona wkoll li jitnieda Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

4.13

Burokrazija eċċessiva toħloq spejjeż bla bżonn għall-ekonomija u s-soċjetà. L-UE tal-futur m’għandhiex tiffoka fuq il-mikroġestjoni, iżda għandha tkun iggwidata mill-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, dan ma għandux isir għad-detriment ta’ standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumatur, ta' dawk soċjali, tax-xogħol u ta' dawk ambjentali li huma inerenti fl-ekonomija soċjali tas-suq. Fil-livell Ewropew, tista’ tiżdied il-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jsolvu l-problemi, pereżempju biex jibbilanċjaw interessi differenti.

4.14

L-intraprenditorija tirrappreżenta kompetenza ewlenija għat-titjib tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-benesseri u l-iżvilupp ta’ ekonomija soċjali u ekoloġika, aktar u aktar fil-kuntest tal-irkupru ta’ wara l-pandemija. It-tħeġġiġ tal-edukazzjoni intraprenditorjali għall-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali, jista’ jkun mod li bih jitnaqqas il-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. L-intraprenditorija fil-forom u s-setturi kollha tagħha (inklużi t-turiżmu, l-industrija, l-ekonomija tal-pjattaformi, l-ekonomija soċjali u l-professjonijiet liberi) hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Huwa importanti li jiġu identifikati u mwieġba d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs (speċjalment negozji żgħar ħafna, li ħafna drabi jkunu negozji tal-familja) meta jaċċessaw is-Suq Uniku, partikolarment fil-kuntest tat-tranżizzjonij ekoloġika u dik diġitali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjonijiet konkreti fil-programm ta’ ħidma tagħha biex tindirizza l-ostakli għas-suq uniku li huma diġà identifikati (11).

4.15

Il-KESE jappoġġja li tiġi adottata taħlita ta’ politiki ekonomiċi li jagħmlu użu effettiv tar-riżorsi domestiċi disponibbli, kemm pubbliċi kif ukoll privati, inklużi r-riżorsi finanzjarji maħluqa fil-qafas ta’ Next Generation EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nuqqas identifikat tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien u għadu kwistjoni ta’ tħassib għall-KESE. Is-soċjetà ċivili organizzata titlob proċeduri aktar formali li jiffaċilitaw skambji reali fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-prinċipju tas-sħubija għandu jservi bħala mudell ta’ referenza għal mekkaniżmu effettiv tal-involviment tas-soċjetà ċivili.

4.16

Il-KESE jappoġġja l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-kumpaniji u jfaħħar il-koordinazzjoni tagħhom mad-diskussjonijiet globali li saru fil-livell tal-OECD/Qafas Inklużiv sabiex jintlaħaq kunsens globali.

4.17

Il-Kumitat jappoġġja kwalunkwe sforz immirat lejn it-tnaqqis tal-kostijiet tal-konformità għall-kumpaniji u l-awtoritajiet tat-taxxa Ewropej meta tiġi biex titfassal is-sistema l-ġdida tat-tassazzjoni. In-negozji Ewropej m’għandhomx jinġiebu fi żvantaġġ kompetittiv. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru 2 tal-ftehim globali dwar it-taxxa se tkun kumplessa u se tirrikjedi żmien twil u sforz sinifikanti, kemm min-naħa tal-kumpaniji kif ukoll min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni uniformi fl-UE u blokki kummerċjali oħra fl-istess mument tar-regoli miftiehma internazzjonalment, huma ta’ interess ewlieni għall-UE u għall-Istati Membri tagħha.

4.18

L-intraprenditorija soċjali jistħoqqilha attenzjoni partikolari fid-dawl tar-rwol li din il-forma ta’ intraprenditorija jista’ jkollha biex tegħleb il-kriżi. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali se jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ dan is-settur. Id-definizzjoni ta’ ekosistema speċifika tal-ekonomija soċjali fl-istrateġija industrijali l-ġdida trid twassal għal azzjonijiet konkreti sabiex l-ekonomija soċjali ssir ekoloġika, diġitali u reżiljenti.

4.19

Wara l-pandemija hemm ħtieġa akbar għat-trawwim ta’ mobbiltà tat-tagħlim ta’ kwalità għal kulħadd u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim tagħha, għalhekk il-KESE jippromovi l-bini ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni vera sal-2025 għat-tagħlim tal-Ewropa. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ finanzjament u, fuq kollox, permezz ta’ kooperazzjoni transsettorjali fil-qasam tal-edukazzjoni.

4.20

Politika moderna tal-konsumatur għandha tiżgura li l-konsumaturi jkollhom id-drittijiet u l-protezzjoni li jeħtieġu. Is-Suq Uniku jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi u n-negozji tal-UE biex jixtru u jbigħu oġġetti u servizzi minn naħa għal oħra tal-fruntiera, kemm online kif ukoll offline. Dan jeħtieġ fiduċja u kunfidenza fis-suq, leġiżlazzjoni mmirata u infurzar effettiv. L-informazzjoni u t-taħriġ tal-konsumatur għandhom jgħinuhom ukoll sabiex jagħmlu għażliet aktar responsabbli.

4.21

L-aċċess għall-involviment tal-voluntiera jeħtieġ li jittejjeb u jiżdied fl-ambitu u l-kwalità tiegħu. Il-potenzjal għall-involviment volontarju ta’ persuni ta’ kull sfond u età għandu jiġi eżaminat u implimentat f’oqfsa innovattivi u flessibbli li joħolqu possibilitajiet ġodda. L-2025 għandha tiġi ddikjarata mill-UE bħala s-Sena Ewropea tal-Voluntiera. Dan ikun rikonoxximent ġust għall-isforzi u l-impatt tal-voluntiera matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna. Dan jenfasizza l-importanza tagħhom għas-saħħa u għall-benesseri fl-Ewropa u anke r-rwol tagħhom fl-irkupru u l-futur tal-Ewropa.

4.22

Il-professjonijiet liberi huma fattur soċjali u ekonomiku ewlieni fl-Istati Membri kollha u huma responsabbli għal servizzi pubbliċi importanti f’oqsma bħas-saħħa, il-ġustizzja, is-sigurtà, il-lingwa u l-arti. Huwa għalhekk meħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt speċifika dwar il-konsegwenzi tal-proposti leġiżlattivi fuq professjonijiet liberi, qabel u wara li tiġi adottata l-leġiżlazzjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Ewropew għandu jqis b’mod speċjali l-effetti negattivi tal-piż burokratiku fuq il-professjonijiet liberi.

5.   Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja

5.1

Il-KESE jappella għal ambjent ta’ kummerċ internazzjonali miftuħ, ġust, inklużiv u prevedibbli li jappoġġja d-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-paċi u l-istabbiltà, is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, u ordni kummerċjali globali miftuħa, ġusta u bbażata fuq ir-regoli. Jeħtieġ li l-Ewropa tipproteġi r-regoli kummerċjali globali, tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, u ssib bilanċ bejn l-awtonomija strateġika u l-ftuħ għall-kummerċ internazzjonali, billi tippromovi bażi industrijali b’saħħitha u ktajjen ta’ provvista internazzjonali reżiljenti.

5.2

Madankollu, kemm l-iżviluppi fiċ-Ċina f'dawn l-aħħar snin, kif ukoll l-aggressjoni Russa li għaddejja bħalissa, jagħmluha ċara li ż-żieda fil-kummerċ internazzjonali mhux neċessarjament tgħin biex jissaħħu l-proċessi demokratiċi. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE tippromovi l-valuri fundamentali tagħha, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-midja fil-politika kummerċjali tagħha.

5.3

Il-KESE jemmen li huwa importanti li jitkompla l-indirizzar tad-dipendenzi kritiċi tal-UE fuq pajjiżi terzi. Dan japplika speċjalment għall-enerġija, għall-materja prima, għall-ikel, għall-prodotti tas-saħħa, għall-infrastruttura u għat-teknoloġiji. Japplika wkoll għad-dimensjoni industrijali tal-politiki tas-sigurtà, tad-difiża u tal-ispazju. L-UE għandha tirrevedi b’mod partikolari n-nuqqas ta’ kapaċità industrijali u d-dipendenza tagħha minn imsieħba li mhumiex affidabbli.

5.4

Fl-istess ħin, it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u rwol globali aktar b’saħħtu jeħtieġu kooperazzjoni ma’ msieħba f’diversi oqsma, inkluż fil-kummerċ. Il-KESE jitlob il-konklużjoni ta’ negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni multilaterali fi ħdan id-WTO. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-imsieħba tal-Amerka Latina, abbażi tal-ftehimiet modernizzati, jista’ jkun ukoll opportunità topika għall-UE sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha.

5.5

Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-kummerċ, u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, mit-tiswir sal-monitoraġġ tal-għodod u l-ftehimiet kummerċjali (Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u Ftehimiet ta’ Investiment). Dan jgħin fit-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, billi jiżgura li l-ftehimiet kummerċjali konklużi ser jikkontribwixxu għal żvilupp li huwa ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi msieħba fin-negozjati.

5.6

Hemm bżonn ukoll kooperazzjoni fl-oqsma tat-trasport, dawk diġitali u tal-enerġija, li ħolqu opportunitajiet ġodda eż., għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-Kurituri tan-Network Ewlieni jeħtieġ li jkunu interkonnessi aħjar mal-bqija tad-dinja għall-merkanzija u l-passiġġieri. Il-KESE jitlob li jiġi stabbilit forum li jiffaċilita l-integrazzjoni tan-network TEN-T mal-bqija tad-dinja, inklużi l-pajjiżi ġirien.

5.7

Il-KESE jqis li l-UE teħtieġ approċċ aktar proattiv u effettiv biex tieħu ħsieb l-interessi tal-industriji Ewropej permezz tal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali inġusti, permezz ta’ liġijiet kummerċjali eżistenti, speċjalment il-liġijiet tal-anti-dumping, u ta’ kontra s-sussidji.

5.8

Il-Kumitat iqis il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro bħala għodda importanti għat-tisħiħ tal-pożizzjoni globali tal-Ewropa u jappella għal enfasi aktar b’saħħitha fuq ir-raġunijiet għalfejn ir-rwol internazzjonali tal-euro qiegħed jiddgħajjef, u għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

5.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi biex iddaħħal fid-WTO l-approċċ tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-impenji kemm tax-xogħol kif ukoll tal-ambjent. Dan għandu jinkludi wkoll aktar riflessjonijiet dwar l-involviment strutturat tal-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tad-WTO, peress li ma jistax ikun hemm sostenibbiltà ġenwina mingħajr l-involviment tas-soċjetà ċivili.

5.10

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ma għadux kapaċi biżżejjed u lanqas wiesa’ biżżejjed biex iwieġeb għal diżastri marbuta mat-tibdil fil-klima u mar-riskji multipli li jseħħu ġewwa t-territorju tal-Unjoni u lil hinn minnu. Lil hinn mill-attività stabbilita sew tiegħu fir-rigward tad-diżastri naturali, il-Mekkaniżmu jintalab biex jindirizza riskji bħal pandemiji, riskji industrijali kbar, tniġġis marittimu fuq skala kbira, konsegwenzi ta’ attakki ċibernetiċi fuq in-networks tal-elettriku jew tal-ilma tax-xorb, u l-infrastratturi essenzjali kollha, jew il-ġestjoni ta’ kriżijiet umanitarji marbuta mal-immigrazzjoni.

5.11

Jeħtieġ li r-rabta bejn il-protezzjoni ċivili għal perjodu qasir u l-ġestjoni fit-tul tal-għajnuna umanitarja tiġi indirizzata u kkoordinata aħjar. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li għandha tiġi eżaminata l-ħtieġa li tiġi stabbilita aġenzija Ewropea għall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja, bħala mekkaniżmu prattiku għal azzjonijiet aktar b’saħħithom tal-politika barranija.

5.12

Il-KESE jinnota li f’ħafna pajjiżi msieħba, id-djalogu u t-tfassil ta’ politika inklużivi u parteċipatorji, għadhom nieqsa u l-ispazju ta’ djalogu ċivili u soċjali tnaqqas progressivament minkejja l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, f’kooperazzjoni mal-KESE, proġett pilota ta’ “Tabella ta’ valutazzjoni tal-ispazju ċiviku” għal ċerti pajjiżi msieħba, biex kull sena jitkejjel l-istat tad-djalogu ċiviku u soċjali, li għandu jibda mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jew mill-pajjiżi Ewro-Mediterranji.

6.   Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew

6.1

Jeħtieġ li jissaħħu s-sistemi tas-saħħa fi kważi kull pajjiż Ewropew, b’enfasi fuq il-prevenzjoni u l-garanzija tal-aċċess għal kulħadd għal strutturi ta’ kwalità tajba tas-saħħa pubblika, servizzi bażiċi tas-saħħa, inklużi l-vaċċini, u kura fit-tul. Il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali jeħtieġu risposta strateġika urġenti.

6.2

Il-KESE jfakkar li huwa kruċjali li tiġi appoġġjata ekosistema Ewropea tal-kura tas-saħħa b'saħħitha u kkoordinata sabiex tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika industrijali, għas-sovranità teknoloġika tal-UE u għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tal-UE. L-immappjar u l-analiżi minn isfel għal fuq għandhom jitwettqu sabiex tiġi vvalutata n-natura eżatta tad-dipendenzi identifikati u jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet u n-nuqqasijiet ta’ materjali strateġiċi.

6.3

Il-migrazzjoni għadha kwistjoni ta’ prijorità minħabba l-impatt tagħha fuq id-demografija, l-ekonomija u l-politiki tal-UE (l-impjieg, l-affarijiet soċjali, is-suq tax-xogħol, il-politiki ta' integrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, il-populiżmu u d-diskriminazzjoni). Il-Patt tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Ażil u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil se jkollhom jingħataw forma finali bbażata fuq bilanċ reali bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà, u l-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-liġi internazzjonali.

6.4

Il-kriżi tar-refuġjati li qed tiżvolġi bħala konsegwenza tal-gwerra kontra l-Ukrajna tissottolinja l-importanza kruċjali ta’ dan il-qasam u tirrappreżenta l-mod korrett ta’ kif għandha tirrispondi l-UE: minbarra li tingħata protezzjoni immedjata lir-refuġjati, u l-introduzzjoni ta’ permessi ta’ residenza u ta’ xogħol temporanji, għandhom jittieħdu miżuri urġenti għall-integrazzjoni fis-soċjetajiet u fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u għandu jsir disponibbli finanzjament adatt kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-post.

6.5

L-2022 hija s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ – imfassla sabiex tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li ż-żgħażagħ għamlu u għadhom jagħmlu u l-isfidi li huma ffaċċjaw matul il-pandemija tal-COVID-19, u tipprovdilhom opportunitajiet fil-livelli kollha sabiex jipparteċipaw b’enfasi partikolari fuq il-kwistjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-inklużjoni u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki kollha fl-UE. Huwa kruċjali li jkun hemm legat konkret għas-sena u li tabilħaqq, iż-żgħażagħ ikunu l-punt fokali tal-inizjattivi fil-livell tal-UE ta’ kull sena. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkompli bil-ħidma tagħha fuq is-segwitu tas-Sena fl-2023 u lil hinn minnha.

7.   Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea

7.1

Jenħtieġu miżuri biex jitjieb id-djalogu ċivili mal-partijiet interessati u l-gruppi fis-soċjetà u fosthom, bil-għan li jingħataw sjieda tal-politiki li jaffettwawhom direttament u parteċipazzjoni ġenwina f'tali politiki, u b’hekk jiġi promoss ir-rwol taċ-ċittadini fil-bini tal-futur tal-Ewropa.

7.2

Ftit hemm mezzi eżistenti li għandhom rwol importanti fl-involviment taċ-ċittadini fuq livell Ewropew, bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Madankollu, dawn il-mezzi mhumiex biżżejjed għal involviment sinifikanti taċ-ċittadini tal-UE u hemm bżonn li l-għodod tal-parteċipazzjoni (inkluża l-parteċipazzjoni elettronika) ikunu aktar inklużivi, jintużaw b’mod strutturat, ikunu aċċessibbli għal kulħadd, u speċjalment, ikollhom impatt akbar.

7.3

Skont din l-idea, ir-rwol istituzzjonali tal-KESE għandu jissaħħaħ u l-korp innifsu ikollu l-kompetenza ta’ rappreżentant stabbilit tas-soċjetà ċivili organizzata fl-għoti ta’ pariri għat-tfassil ta’ politki tal-UE, iżda wkoll bħala faċilitatur u garanti ta’ attivitajiet ta’ demokrazija parteċipattiva bħal djalogu strutturat ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u panels taċ-ċittadini. Soċjetà ċivili u mimlija ħajja hija kruċjali għall-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea.

7.4

Nirrakkomandaw li dawk li jfasslu l-politika tal-UE jistabbilixxu strateġiji koerenti (interni u esterni) tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea, inklużi politiki bbażati fuq: rikonoxximent aħjar tas-settur u d-djalogu ċivili, inkluż permezz ta’ pilastru apposta fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, il-valutazzjoni annwali tal-Istat tad-Dritt u Strateġija tas-Soċjetà Ċivili Ewropea; l-iffaċilitar ta’ oqfsa legali u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni Ewropej; l-aċċess għal finanzjament pubbliku; mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u protezzjoni fil-livell tal-UE.

7.5

Huwa essenzjali li wieħed jiffoka fuq is-segwitu tal-proposti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex it-talbiet taċ-ċittadini jitwettqu. Il-KESE jistenna li kull istituzzjoni Ewropea timpenja ruħha b’approċċ kostruttiv u ambizzjuż, skont ir-rwol u l-kompetenzi tagħha, f’kull pass tas-segwitu, inkluż bi proposti leġiżlattivi. Il-KESE huwa lest li jaqdi r-rwol tiegħu u jiżgura segwitu kif imiss tal-eżiti tal-Konferenza u jekk tiġi organizzata Konvenzjoni, il-KESE jrid jaqdi rwol prominenti fiha.

7.6

Biex terġa’ tinbena l-fiduċja fit-tkabbir u jissaħħu l-modi li bihom l-UE tidħol f’kuntatt mal-alleati naturali tagħha fir-reġjun, il-KESE huwa konvint li l-UE għandha ċertament tinkludi ċar lill-Balkani tal-Punent fl-attivitajiet maħsuba għall-implimentazzjoni tar-riżultati tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

7.7

Il-gwerra fl-Ukrajna tat spinta lill-azzjoni komuni u l-integrazzjoni Ewropea f’setturi ewlenin bħad-difiża u l-politika barranija, sa livelli li kien diffiċli li wieħed jimmaġina xi ftit tax-xhur ilu. Il-KESE jilqa’ l-impenn espress fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles biex jiżdied l-użu tal-istrument tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u jenfasizza li l-UE għandha tersaq lejn integrazzjoni politika aktar b’saħħitha, li tista’ tappoġġja politika barranija komuni. Aħna nistiednu lill-Istati Membri jibdew jaħdmu minnufih fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ difiża ġenwinament komuni u effettiva li ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi lilha nnifisha (12). Deċiżjoni meħuda fil-livell tal-UE relatata ma’ dan għandha tinvolvi lill-Parlament Ewropew bħala r-rappreżentant dirett tal-poplu f’konformità mat-Trattati.

7.8

Kemm il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-KESE, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti fil-pjani ta’ kontinġenza sabiex jiġġieldu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-gwerra, b’mod partikolari, fit-tfassil tal-aspetti differenti tal-istrateġija REPowerEU.

7.9

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-involviment attiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà u fil-proċessi tat-tfassil ta' politiki u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, meta jitqies li t-tfal u ż-żgħażagħ huma l-ġenerazzjoni li se jkollha tħallas id-dejn pubbliku enormi li l-pajjiżi issa qed joħolqu biex jittrattaw il-konsegwenzi tal-pandemija u jgħixu bil-konsegwenzi tal-passi li ttieħdu issa sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u s-sitwazzjoni l-ġdida tas-sigurtà fl-Ewropa. Barra minn hekk, huwa meħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat, ibbażat fuq politika u oqfsa legali b’saħħithom, sabiex jinkiser iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ żvantaġġ. L-ilħuq tal-mira ambizzjuża stabbilita li jinħarġu kemm jista’ jkun tfal u żgħażagħ mill-faqar għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib.

7.10

Il-KESE jisħaq li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jiġu indirizzati fl-aspetti kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, speċjalment minħabba li l-pandemija u t-tnaqqis fir-ritmu li ħolqot aggravaw l-iżbilanċi bejn il-ġeneri.

7.11

Kwalunkwe reazzjoni għal kundizzjonijiet eċċezzjonali m’għandhiex tmur kontra l-istat tad-dritt u lanqas m’għandha tipperikola d-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Jeħtieġ li jiġu implimentati l-istrumenti l-ġodda tal-UE għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, pereżempju ċ-Ċiklu ta’ Rieżami tal-Istat tad-Dritt u l-mekkaniżmu biex il-finanzjament tal-UE jsir bil-kundizzjoni li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. B’mod partikolari, dan għandu jitqies, b'mod partikolari, f’deċiżjonijiet temporanji sensittivi, bħall-projbizzjoni ta’ ċerti xandara, il-limitazzjoni tal-mobbiltà ħielsa tan-nies, jew kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda, kemm matul il-pandemija, kif ukoll fil-gwerra.

7.12

Il-KESE rrakkomanda l-adozzjoni ta' Karta madwar l-Ewropa kollha tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet rurali/urbani u jitlob li jinħoloq mudell ta’ governanza għall-Patt Rurali li jinkludi lill-gvernijiet lokali kif ukoll lin-negozji lokali, kemm privati kif ukoll dawk mingħajr skop ta’ qligħ, li jaħdmu ma’ strutturi lokali demokratiċi u tal-imsieħba soċjali sabiex jiġi żgurat li l-vuċijiet lokali jinstemgħu u li l-viżjoni fit-tul tkun tista’ tiġi implimentata b’suċċess.

7.13

Rigward il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti strutturi ta’ governanza b’saħħithom biex jinkludu lill-partijiet interessati kollha fit-tfassil tal-miżuri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, fosthom:

il-ħolqien ta’ Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Patt Klimatiku, magħmula minn atturi tal-klima fil-livelli kollha;

it-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar il-Finanzjament għall-Klima tal-UE biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u jitneħħew l-ostakli;

il-garanzija ta’ involviment kif imiss tal-istrutturi eżistenti tad-djalogu soċjali Ewropew;

it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta’ pjani nazzjonali u reġjonali għal tranżizzjoni ġusta;

l-involviment aktar strutturali taż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-sostenibbiltà u l-inklużjoni ta’ delegat taż-żgħażagħ fid-delegazzjoni uffiċjali tal-UE għal-laqgħat tal-COP;

l-irbit strutturali tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

it-tkomplija ta’ bini fuq is-suċċess tal-ħidma konġunta tal-KE/KESE fuq il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.

7.14

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jirrikonoxxu wkoll ir-rwol fundamentali tas-soċjetà ċivili fit-tixrid ta’ kultura bbażata fuq id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt u jippromovu l-parteċipazzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw komunikazzjoni adegwata tal-valuri u l-prinċipji tal-UE. Għaldaqstant, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fiċ-Ċiklu ta’ Rieżami tal-Istat tad-Dritt irid jissaħħaħ, inkluż b'forum tal-partijiet interessati.

7.15

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li huwa kruċjali li jiġi garantit l-involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet interessati oħra kkonċernati, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali u l-pjani direzzjonali nazzjonali relatati.

7.16

Il-KESE jitlob lill-KE li r-regolamentazzjoni aħjar tkun prijorità u jistieden lill-Kummissjoni, inklużi s-servizzi kollha tagħha, u lil-leġiżlaturi tal-UE japprofondixxu u javvanzaw b’mod kostanti s-sistema ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-UE fl-aspetti kollha tagħha u jużaw b’mod sistematiku l-għodod u l-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar fil-ħidma tagħhom.

7.17

Il-KESE jisħaq li, b’mod awtomatiku, il-Kummissjoni għandha tissostanzja kull proposta leġiżlattiva b’valutazzjoni tal-impatt żviluppata bis-sħiħ. Il-Kummissjoni għandha twettaq wkoll valutazzjonijiet tal-impatt xierqa fuq kwalunkwe strateġiji futuri, sabiex tidentifika l-impatti fi stadju bikri u tantiċipa aħjar l-effetti konġunti tal-inizjattivi individwali.

7.18

Il-KESE jenfasizza li l-istrumenti ta’ regolamentazzjoni aħjar iridu jibqgħu newtrali għall-politika u separati b’mod ċar mit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, li għandu jitħalla f’idejn il-korpi politiċi maħtura u leġittimi.

Fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika relatati mal-proposti tal-KE, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat u bilanċjat l-input minn diversi partijiet interessati. Dan jeħtieġ reviżjoni tal-metodoloġija biex jintlaħqu aħjar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE u nazzjonali. Il-KESE jenfasizza li l-proċeduri online jeħtieġ li jiġu kkomplementati bi djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha tat-tfassil tal-politika, inkluża l-fażi ta’ implimentazzjoni u evalwazzjoni.

7.19

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u, l-iżjed, liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex jinvolvi bis-sħiħ lill-KESE fiċ-ċiklu ta’ prospettiva tiegħu u jappoġġah fl-iskrinjar tal-attivitajiet ta’ prospettiva eżistenti mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju.

7.20

Il-Kumitat jitlob ukoll li jkun hemm tisħiħ kontinwu tal-kooperazzjoni fil-ħidma ta’ evalwazzjoni ex-post fuq diversi inizjattivi.

7.21

Kemm il-pandemija, kif ukoll il-gwerra attwali fl-Ukrajna ħarġu fid-dieher l-urġenza tal-ħtieġa għal aktar azzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew, sabiex jiġu protetti l-midja ħielsa u pluralistika u l-ġurnaliżmu indipendenti ta’ kwalità tajba.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 290, 29.7.2022, p. 35.

(2)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha” (ĠU C 290, 29.07.2022, p. 1).

(3)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha” (ĠU C 290, 29.07.2022, p. 1).

(4)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_1511

(5)  https://ec.europa.eu/info/publications/key-documents-repowereu_mt

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 123).

(7)  L-interkonnessjoni diġà hija mira tal-UE (mill-anqas 15 % sal-2030, iżda xi pajjiżi għadhom lura sew): https://energy.ec.europa.eu/topics/infrastructure/electricity-interconnection-targets_en

(8)  Dokument tal-Kummissjoni dwar “Gżejjer tal-Enerġija”: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/MEMO_18_4622

(9)  Il-valutazzjoni finali tal-ACER tad-disinn tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE

(10)  Strument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE).

(11)  Ara pereżempju “Business Journey on the Single Market: Practical Obstacles and Barriers” (SWD(2020) 54 final), Brussell, 10.3.2020 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  ĠU C 290, 29.7.2022, p. 1.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-571 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Sessjoni Plenarja kompletament bi preżenza fiżika, 13.7.2022–14.7.2022

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera u ta’ min iħaddimhom”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 443/02)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

1.7.2022

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

195/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jirrikonoxxi l-isfidi partikolari li ż-żieda tat-telexogħol transfruntier toħloq għas-sistemi ta’ tassazzjoni internazzjonali tal-lum. Dan jikkonċerna b’mod partikolari t-tassazzjoni tal-pagi u t-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji.

1.2.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea (KE) li impjegat b’telexogħol transfruntier jista’ jaffaċċja tassazzjoni doppja fuq l-introjtu tiegħu, li twassal għal tilwim fit-tul u għali bejn l-impjegat u l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Skont it-trattament fiskali ta’ pajjiż fuq id-dħul barrani, impjegat jista’ wkoll ikun obbligat li jikkonforma ma’ żewġ dikjarazzjonijiet tat-taxxa separati, possibbilment fi żminijiet differenti minħabba li l-Istati Membri jkollhom skadenzi differenti għall-mili tal-formoli tat-taxxa. Il-piżijiet regolatorji jikkostitwixxu ostakli għal suq uniku effiċjenti. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-ostakli meta jiffirmaw ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa.

1.3.

F’termini ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji, it-teleħaddiema internazzjonali jirriskjaw li, b’mod involontarju, joħolqu stabbiliment permanenti għall-kumpanija f’pajjiż differenti minn dak tal-kumpanija. Jekk stabbiliment permanenti jiġi stabbilit f’pajjiż ieħor, il-kumpanija tiġi mġiegħla taqsam b’mod preċiż l-introjtu korporattiv tagħha bejn iż-żewġ postijiet, u b’hekk tkun soġġetta għal obbligi ta’ preżentazzjoni u għal obbligazzjonijiet tat-taxxa differenti.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-miżuri tat-taxxa temporanji li ħadu l-Istati Membri fl-eqqel tal-pandemija u l-gwida maħruġa mill-OECD matul il-pandemija. Dawn il-miżuri ppermettew lill-impjegati u lill-impjegaturi transfruntiera jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet kummerċjali, u jiżguraw li t-tnejn li huma ma kinux iffaċċjati b’tassazzjoni doppja, u n-negozji setgħu jkomplu jappoġġjaw l-ekonomija u l-ħaddiema tal-UE fi żmien importanti.

1.5.

Il-KESE jenfasizza kemm huwa importanti li s-sistemi tat-tassazzjoni jiġu aġġornati aktar biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ambjent tax-xogħol tal-lum. Il-qafas internazzjonali tat-taxxa korporattiva dan l-aħħar ġie rivedut permezz ta’ ftehim dwar Pakkett ta’ Qafas Inklużiv tat-Taxxa (G20 Inclusive Framework Tax Package) tal-OECD, li jikkonsisti f’żewġ pilastri. Jekk l-impjegati jinvolvu ruħhom dejjem aktar f’impjieg permezz tat-telexogħol, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu riveduti wkoll ir-regoli internazzjonali tat-tassazzjoni għall-individwi. B’mod partikolari, ir-regoli għandhom ikunu faċli biex wieħed jikkonforma magħhom.

1.6.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li r-regoli tat-tassazzjoni rigward it-telexogħol transfruntier jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni mhux intenzjonata kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem. Meta jiġi żgurat li l-kumpaniji ta’ kull daqs jistgħu joffru opportunitajiet ta’ telexogħol, huwa importanti li kwalunkwe obbligu amministrattiv relatat mat-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera jiġi eliminat jew mill-inqas minimizzat.

1.7.

Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi li l-pajjiżi għandhom id-dritt li jiddeċiedu jekk għandhomx jimponu taxxi f’pajjiżhom u b’liema rata, il-prinċipji tat-tassazzjoni għat-telexogħol transfruntier għandhom preferibbilment jiġu miftiehma fil-livell globali. Madankollu, meta titqies il-mobbiltà intra-UE inerenti skont il-libertà ta’ moviment fis-suq uniku, hemm raġunijiet biex il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell tal-UE qabel ma tinstab soluzzjoni globali. Filwaqt li approċċi differenti huma possibbli, huwa importanti li jintlaħaq livell għoli ta’ koordinazzjoni fl-UE.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li r-regoli għandhom ikunu faċli kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem. Possibbiltà waħda tkun li l-Istati Membri jaqblu li jintaxxaw lill-impjegat biss jekk l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol fil-pajjiż ikun aktar minn 96 jum għal kull sena kalendarja. Il-KESE jinnota li fil-ħidma dwar it-taxxa tal-Qafas Inklużiv tal-OECD, intuża Strument Multilaterali bħala għodda biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ regoli ġodda tat-taxxa.

1.9.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE biex tikkunsidra jekk punt uniku ta’ servizz, bħal dak li għandna fil-qasam tal-VAT, jistax ikun possibbiltà. Dan ikun jirrikjedi li, fil-każ tat-teleħaddiema transfruntiera, l-impjegatur jirrapporta l-għadd ta’ jiem ta’ li t-teleħaddiema jkunu ħadmu fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u fil-pajjiż fejn jinsab l-impjegatur. B’din l-informazzjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jivvalutaw f’liema pajjiż ikun taxxabbli d-dħul, jew liema parti mid-dħul ikun taxxabbli f’kull pajjiż.

1.10.

Sistema ta’ punt uniku ta’ servizz żviluppata għat-teleħaddiema transfruntiera tista’ sservi bħala l-ewwel pass biex ikun hemm infrastruttura li tippermetti lill-impjegati u lil min iħaddem inaqqsu t-tilwim dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri u fl-istess ħin tiżgura li t-taxxi jiġu imposti b’mod korrett mingħajr ma jkun meħtieġ li l-individwu jissottometti formoli f’aktar minn pajjiż wieħed.

2.   Kuntest

2.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 biddlet il-ħajja tal-ħaddiema u tan-negozji b’modi li qatt ma rajna bħalhom. Waħda mill-aktar xejriet impressjonanti matul il-pandemija tal-COVID-19, b’restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fis-seħħ u limitazzjonijiet governattivi fuq l-għadd ta’ impjegati preżenti fl-uffiċċji sabiex titnaqqas it-trażmissjoni tal-virus tal-COVID-19, kienet iż-żieda fit-telexogħol (1). In-negozji u l-impjegati għamlu sforzi kbar biex jiddiġitalizzaw l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum (eż. għodod tal-laqgħat online) sabiex jiffaċilitaw lill-impjegati li jaħdmu mid-dar. B’dan il-mod, in-negozji xorta setgħu jkomplu jfornu oġġetti u servizzi (meħtieġa) lill-klijenti u b’hekk jappoġġjaw l-ekonomija, l-impjiegi, il-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku tal-UE.

2.2.

Peress li jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, it-telexogħol huwa assoċjat ma’ flessibbiltà akbar li tista’ tnaqqas l-istress għall-impjegat, u jippermetti bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (2). Barra minn hekk, iż-żieda fit-telexogħol tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-objettiv tal-UE tan-newtralità karbonika. B’sehem kbir tal-emissjonijiet tal-UE li jirriżultaw mit-trasport, żieda fit-telexogħol tista’ twassal għal ammont aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u inqas konġestjoni tat-traffiku (3). Bit-tranżizzjoni lejn it-telexogħol, il-ħtieġa għal spazju għall-uffiċċji x’aktarx li tonqos, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-bini tal-uffiċċji (eż. it-tisħin u t-tkessiħ).

2.3.

Hekk kif qed nimxu lejn era ta’ “wara l-COVID-19” b’rati għoljin ta’ tilqim fl-UE, filwaqt li nistennew li xi impjegati jirritornaw lejn l-uffiċċji tagħhom, huwa improbabbli li x-xejra dejjem tikber tat-telexogħol se titreġġa’ lura għalkollox. Fi stħarriġ tal-Eurofound ta’ Marzu 2021, 46 % tal-impjegati tal-UE esprimew preferenza li jkomplu jaħdmu “kuljum” jew “diversi drabi fil-ġimgħa” mid-dar meta tintemm il-pandemija (4). B’riżultat ta’ dan, it-telexogħol huwa mistenni wkoll li jsir parti mill-kultura tax-xogħol tagħna.

2.4.

Iż-żieda fit-telexogħol transfruntier toħloq sfidi għas-sistemi tat-tassazzjoni tal-lum. Filwaqt li l-fenomenu tax-xogħol transfruntier mhuwiex ġdid, il-kapaċità għal impjegat li jaħdem b’telexogħol mid-dar tiegħu f’pajjiż ieħor tqajjem kwistjonijiet dwar ir-regoli internazzjonali tat-taxxa, b’mod partikolari jekk l-impjegat jaħdem sehem sostanzjali ta’ jiem tax-xogħol fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu jew f’pajjiż terz, aktar milli fil-post tradizzjonali tal-attività. Dan jikkonċerna b’mod partikolari t-tassazzjoni tal-pagi u t-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji. Każijiet bħal dawn jistgħu jinqalgħu b’mod partikolari f’ċerti “reġjuni hotspot” li jinsabu ġeografikament qrib Stati Membri oħra, iżda ż-żieda u l-iżvilupp tal-għodod tat-telekonferenzi x’aktarx li jżidu każijiet bħal dawn fuq bażi aktar ġenerali.

2.5.

F’termini tat-tassazzjoni tal-pagi, il-ħaddiema li jirrisjedu fi Stat Membru wieħed (ġurisdizzjoni tar-residenza), iżda li jaħdmu għal kumpanija li tinsab f’ieħor (ġurisdizzjoni tas-sors) jistgħu jkunu soġġetti għal tassazzjoni doppja, biż-żewġ ġurisdizzjonijiet jintaxxaw l-introjtu. Sabiex jiġi evitat xenarju bħal dan, il-pajjiżi kkonkludew ftehimiet bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja, ħafna drabi skont il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OECD. Il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD jistabbilixxi bħala prinċipju ġenerali li d-dħul mill-impjieg għandu jiġi ntaxxat biss fil-ġurisdizzjoni tar-residenza. Madankollu, jekk ix-xogħol isir f’pajjiż ieħor (jiġifieri l-pajjiż sors), il-pajjiż sors jista’ jintaxxa l-introjtu attribwibbli għall-jiem maħduma f’dan il-pajjiż, sakemm l-impjegat jibqa’ mill-inqas 183 jum fil-pajjiż sors f’sena, jew ir-remunerazzjoni titħallas minn impjegatur fil-pajjiż sors, jew ir-remunerazzjoni titħallas minn stabbiliment permanenti tal-impjegatur fil-pajjiż sors.

2.6.

Skont il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD, impjegat residenti f’pajjiż li mhuwiex il-pajjiż tal-attività tax-xogħol tas-soltu tiegħu se jiffaċċja mill-ewwel jum diviżjoni tad-drittijiet ta’ intaxxar fuq l-introjtu mix-xogħol bejn il-ġurisdizzjoni tar-residenza u l-ġurisdizzjoni tas-sors fuq bażi prorata.

2.7.

Biex jiġi evitat tqassim immedjat tal-introjtu għal xogħol transfruntier, u peress li l-Mudell tal-OECD huwa mudell li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jsegwu, xi pajjiżi adottaw regoli differenti, bħal strutturi de-minimis. F’dan il-każ, id-dħul tal-impjegat jiġi ntaxxat esklużivament fil-pajjiż tar-residenza, sakemm l-impjegat ma jaqbiżx ċertu numru ta’ jiem fejn ma jkunx preżenti fil-post tal-attività tas-soltu (5).

2.8.

Minħabba l-miżuri meħuda matul il-pandemija, bħall-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti stretti ta’ kwarantina u r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar transfruntier, ħafna ħaddiema, b’mod partikolari l-ħaddiema fruntaliera, kienu mġiegħla jagħmlu telexogħol fil-pajjiż tar-residenza tagħhom minflok fil-pajjiż ta’ attività tas-soltu tagħhom. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, bosta Stati Membri ħadu miżuri temporanji biex jevitaw li l-ġurisdizzjonijiet tas-sors jitilfu d-dritt ta’ intaxxar kollu tagħhom. L-Istati Membri qablu dwar “memoranda ta’ qbil” fejn il-jiem kollha maħduma f’uffiċċju mid-dar jitqiesu bħala attività fl-Istat Membru fejn normalment isseħħ l-attività tax-xogħol. Dan japplika biss għall-ħaddiema soġġetti għas-sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni tal-COVID-19, u mhux għall-ħaddiema transfruntiera li diġà kienu qed iwettqu telexogħol qabel il-pandemija. Huwa preżunt li dawn il-miżuri temporanji ma ġewx estiżi wara t-30 ta’ Ġunju 2022, u l-pajjiżi se jerġgħu lura għall-istrutturi ġenerali tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD jew de-minimis. Bl-istess mod, l-OECD ħarġet ukoll gwida dwar it-tassazzjoni tal-introjtu ta’ “ħaddiema maqbuda” (impjegati maqbuda f’ġurisdizzjoni tas-sors għal perjodu twil ta’ żmien minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati mal-COVID-19, regoli dwar il-kwarantina, eċċ.) (6).

2.9.

Skont il-KE (7), impjegat transfruntier li jwettaq telexogħol jista’ jiffaċċja tassazzjoni doppja fuq id-dħul tiegħu, li jirriżulta f’tilwim (fit-tul, u għali) bejn impjegat u l-Istati Membri. Skont it-trattament fiskali ta’ pajjiż fuq id-dħul barrani, impjegat jista’ wkoll ikun obbligat li jikkonforma ma’ żewġ dikjarazzjonijiet tat-taxxa separati, possibbilment fi żminijiet differenti minħabba li l-Istati Membri jkollhom skadenzi differenti għall-mili tal-formoli tat-taxxa. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu kumplessitajiet fejn ċerti spejjeż tat-taxxa meħtieġa għall-ġenerazzjoni tal-introjtu jkunu jridu jinqasmu b’mod preċiż bejn iż-żewġ Stati Membri. Impjegat transfruntier li jwettaq telexogħol jista’ wkoll jitlef mill-benefiċċji jew il-krediti tat-taxxa.

2.10.

Il-kontribwenti mhux residenti b’introjtu minn żewġ Stati Membri jew aktar, bħal ħaddiema mobbli, ħaddiema staġjonali, sportivi, artisti u pensjonanti ġeneralment mhumiex eliġibbli biex jitqiesu ċ-ċirkostanzi personali u familjari bl-istess mod bħall-kontribwenti residenti. Skont id-deċiżjoni Schumacker (8), l-Istati Membri jridu jagħtu tali benefiċċji tat-taxxa lil individwi li mhumiex residenti, jekk il-kontribwenti jaqilgħu l-introjtu kollu jew kważi kollu tagħhom f’dan l-Istat Membru. Xi Stati Membri japplikaw limitu ta’ 90 % tal-introjtu totali li għandu jiġi ggwadanjat f’dak l-Istat Membru biex jingħata tali benefiċċji tat-taxxa. Dan jista’ jirrappreżenta ostaklu għall-moviment liberu peress li kwalunkwe introjtu ’il fuq mis-sehem ta’ 10 % tal-introjtu totali fi Stati Membri oħra jirriżulta f’mill-inqas telf parzjali ta’ tali benefiċċji tat-taxxa, peress li l-limitu għall-għoti sħiħ ta’ tali benefiċċji tat-taxxa ma jibqax jintlaħaq. L-Istati Membri għandhom jippermettu li jitqiesu ċ-ċirkostanzi personali u familjari, jekk dawk li mhumiex residenti jaqilgħu 75 % tal-introjtu tal-kontribwent fl-istat sors.

2.11.

Il-piżijiet regolatorji jikkostitwixxu ostakli għal suq uniku effiċjenti. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-ostakli meta jiffirmaw ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa.

2.12.

F’termini ta’ tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji, it-teleħaddiema internazzjonali jistgħu jirriskjaw li, b’mod involontarju, joħolqu stabbiliment permanenti għall-kumpanija f’pajjiż differenti minn tagħhom. Jekk jiġi stabbilit stabbiliment permanenti f’pajjiż ieħor, il-kumpanija tiġi sfurzata taqsam b’mod preċiż l-introjtu korporattiv tagħha bejn iż-żewġ postijiet, u b’hekk tkun soġġetta għal obbligi ta’ rappurtar u obbligazzjonijiet tat-taxxa differenti.

2.13.

Ħafna kumpaniji, b’mod partikolari SMEs mingħajr struttura internazzjonali, jistgħu ma jkunux konxji li l-fatt li jkollhom persunal li jaħdem minn pajjiż ieħor jista’ jagħtihom funzjonijiet u sustanza u b’hekk jagħmilhom soġġetti għall-allokazzjoni tal-profitt u għar-rekwiżiti biex jaderixxu mar-regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ rappurtar. L-SMEs jista’ ma jkollhomx dipartiment tat-taxxa jew aċċess għal konsulenti u l-ispejjeż ta’ konformità tagħhom diġà huma għaljin ħafna. Skont studju mill-KE, il-kumpaniji fl-UE u fir-Renju Unit huma stmati li jonfqu ammont totali annwali ta' madwar EUR 204 biljun biex jikkonformaw mal-obbligi relatati mat-taxxa korporattiva, il-VAT, it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet relatati mal-pagi, it-taxxi fuq il-proprjetà u fuq il-proprjetà immobbli u t-taxxi lokali. Intrapriża medja ġġarrab spiża annwali biex tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ konformità tat-taxxa li tammonta għal 1,9 % tal-fatturat tagħha (9). Kwalunkwe żieda oħra tista’ tipperikola l-vijabbiltà tal-kumpanija.

2.14.

Minħabba tħassib li jirriżulta mill-possibbiltà li jinħolqu stabbilimenti permanenti bħala riżultat tat-telexogħol transfruntier, l-OECD ħarġet gwida dwar is-suġġett (10) f’April 2020 u f’Marzu 2021. L-OECD ikkunsidrat li l-bidla ta’ eċċezzjoni u temporanja tal-post fejn jaħdmu l-impjegati, m’għandhiex toħloq stabbilimenti permanenti ġodda għall-impjegatur (11). B’mod ġenerali, l-OECD argumentat li għalkemm parti min-negozju ta’ intrapriża tista’ titwettaq f’post bħall-uffiċċju mid-dar ta’ individwu, dan ma għandux iwassal għall-konklużjoni li dak il-post huwa għad-dispożizzjoni ta’ dik l-intrapriża sempliċiment minħabba li dak il-post jintuża minn individwu (eż. impjegat) li jaħdem għall-intrapriża, u nnotat li impjegat li jkun imġiegħel jaħdem mid-dar minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri tas-saħħa pubblika ma jkollux grad suffiċjenti ta’ permanenza jew kontinwità sabiex id-dar tiegħu titqies bħala stabbiliment permanenti għall-impjegatur.

2.15.

L-OECD enfasizzat in-natura eċċezzjonali tal-COVID-19 u nnotat li jekk l-impjegati jkomplu jaħdmu mid-dar wara l-pandemija tal-COVID-19, u b’hekk jagħtu ċertu grad ta’ permanenza jew kontinwità lill-uffiċċju mid-dar tagħhom, dan mhux neċessarjament jirriżulta f’stabbiliment permanenti ta’ negozju. Tali sitwazzjonijiet ikunu jeħtieġu analiżi ulterjuri tal-fatti u ċ-ċirkostanzi speċifiċi, skont l-OECD. Għal persuni f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-awtoritajiet tat-taxxa spiss ikkontestaw jekk setax inħoloq stabbiliment permanenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ l-isforzi li saru mill-kumpaniji u l-ħaddiema matul il-pandemija tal-COVID-19 biex ikomplu l-operazzjonijiet kummerċjali permezz tal-użu ta’ għodod diġitali. Iċ-ċirkostanzi bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19, u l-miżuri tas-saħħa pubblika li rriżultaw, ġiegħlu lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jadattaw l-ambjent tax-xogħol tagħhom sabiex ikomplu l-operazzjonijiet tan-negozju u jipprovdu oġġetti u servizzi, u b’hekk jappoġġjaw l-ekonomija, l-impjiegi u t-tkabbir tal-UE.

3.2.

Peress li avvanzi akbar fl-għodod tal-uffiċċju online (eż. softwer għal-laqgħat online) se jippermettu lil xi impjegati biex iwettqu dejjem aktar attivitajiet tax-xogħol mid-dar tagħhom bl-istess effiċjenza jew b’effiċjenza akbar, nistennew li l-għadd ta’ teleħaddiema (transfruntiera) jiżdied fl-UE. Il-leġiżlaturi jeħtieġ li jaġġustaw ir-regoli eżistenti għal realtà ġdida.

3.3.

Filwaqt li l-possibbiltà tat-telexogħol tista’ tvarja skont is-settur u r-rwol tal-impjieg, il-KESE jqis li ż-żieda fit-telexogħol għandha tintlaqa’ u titħeġġeġ fejn possibbli. Flimkien ma’ aktar flessibbiltà għall-impjegati, it-telexogħol jista’ jipprovdi wkoll benefiċċji għall-aġenda aktar ġenerali tal-Patt Ekoloġiku tal-UE, b’inqas persuni jivvjaġġaw lejn ix-xogħol, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport u t-tniġġis tal-arja. Il-KESE jirrikonoxxi r-rilevanza partikolari tas-suġġett għall-UE u l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fis-suq uniku.

3.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-isfidi partikolari li ż-żieda fit-telexogħol transfruntier toħloq għas-sistema fiskali internazzjonali. Il-KESE jinnota l-ostakli rrappurtati mill-impjegati f’sitwazzjonijiet tax-xogħol transfruntier anke qabel il-pandemija (12). Il-KESE jilqa’ l-miżuri tat-taxxa temporanji li ħadu l-Istati Membri fl-eqqel tal-pandemija u l-gwida maħruġa mill-OECD matul il-pandemija. Dawn il-miżuri ppermettew lill-impjegati transfruntiera u lill-impjegaturi tagħhom ikomplu bl-attivitajiet kummerċjali, u jiżguraw li t-tnejn ma kellhomx jaffaċċjaw tassazzjoni doppja, u b’hekk in-negozji setgħu jkomplu jappoġġjaw l-ekonomija u l-ħaddiema tal-UE fi żmien importanti.

3.5.

Madankollu, il-KESE jenfasizza kemm huwa importanti li s-sistemi tat-tassazzjoni jiġu aġġornati aktar biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ambjent tax-xogħol tal-lum. B’mod partikolari, huwa importanti li l-impjegaturi, meta jintroduċu arranġamenti tat-telexogħol, ma jiġux diżinċentivati milli jimpjegaw impjegati minn barra l-ġurisdizzjoni tal-impjegatur minħabba ostakli ta’ tassazzjoni. Bl-istess mod, ir-regoli tat-tassazzjoni m’għandhomx ikunu ta’ xkiel għall-impjegati meta japplikaw għal impjiegi f’sitwazzjoni transfruntiera.

3.6.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li r-regoli tat-tassazzjoni rigward it-telexogħol transfruntier jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni mhux intenzjonata la għall-impjegati u lanqas għal min iħaddem. Meta jiġi żgurat li l-kumpaniji ta’ kull daqs jistgħu joffru opportunitajiet ta’ telexogħol, huwa importanti li kwalunkwe obbligu amministrattiv relatat mat-tassazzjoni tat-teleħaddiema transfruntiera jiġi eliminat jew tal-anqas minimizzat (13).

3.7.

Il-qafas internazzjonali tat-taxxa korporattiva dan l-aħħar ġie rivedut permezz ta’ ftehim dwar Pakkett ta’ Qafas Inklużiv tat-Taxxa (Inclusive Framework Tax Package) tal-OECD, li jikkonsisti f’żewġ pilastri. Jekk l-impjegati jinvolvu ruħhom dejjem aktar f’impjieg permezz tat-telexogħol, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu riveduti wkoll ir-regoli internazzjonali tat-tassazzjoni għall-individwi. B’mod partikolari, għandu jkun faċli biex wieħed jikkonforma mar-regoli.

3.8.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-diskussjonijiet imnedija mill-KE dwar dan is-suġġett biex jiġu aġġornati s-sistemi tat-taxxa sabiex jirriflettu l-ambjent tax-xogħol tal-lum abbażi ta’ żieda fit-telexogħol, kemm mal-Istati Membri kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati tal-Pjattaforma għall-Governanza Tajba tat-Taxxa. Il-KESE jirreferi għad-diskussjonijiet preċedenti li saru dwar din il-kwistjoni bħala parti mill-Komunikazzjoni dwar “It-tneħħija tal-ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE” u r-rapport tal-grupp ta’ esperti tal-KE dwar “Modi biex jiġu indirizzati l-ostakoli tat-taxxa transkonfinali li jiffaċċjaw l-individwi fi ħdan l-UE” (14).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Filwaqt li huwa rikonoxxut li l-pajjiżi għandhom id-dritt li jiddeċiedu jekk għandhomx jimponu taxxi f’pajjiżhom u b’liema rata, il-prinċipji tat-tassazzjoni għat-telexogħol transfruntier għandhom preferibbilment jiġu miftiehma fil-livell globali. Madankollu, meta titqies il-mobbiltà intra-UE inerenti skont il-libertà ta’ moviment fis-suq uniku, hemm raġunijiet biex il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-livell tal-UE qabel ma tinstab soluzzjoni globali. Filwaqt li huma possibbli approċċi differenti, huwa importanti li jinkiseb livell għoli ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE, u fejn possibbli ma’ pajjiżi terzi (ir-Renju Unit, l-Iżvizzera,…).

4.2.

Ir-regoli għandhom ikunu faċli kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem. Possibbiltà waħda tkun li l-Istati Membri jaqblu li jintaxxaw lill-impjegat biss jekk l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol fil-pajjiż ikun aktar minn 96 jum għal kull sena kalendarja. Il-KESE jinnota li fil-ħidma dwar it-taxxa tal-Qafas Inklużiv tal-OECD, intuża Strument Multilaterali bħala għodda biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ regoli ġodda tat-taxxa.

4.3.

Jidher li huwa ġġustifikat li jkun hemm regoli ambizzjużi li jippermettu t-telexogħol transfruntier. Jekk tiġi applikata r-regola ta’ 183 jum, l-impjegati jiksbu aktar flessibbiltà u l-objettivi ambjentali jkollhom probabbiltà akbar li jintlaħqu. Hekk kif in-numru ta’ jiem jiżdied, il-ħtieġa għal xi tip ta’ sistema standardizzata ta’ rappurtar tikber ukoll, u l-istabbiliment ta’ xi tip ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens għat-trasferiment tad-dħul mit-taxxa fost il-pajjiżi jista’ jkun meħtieġ (15).

4.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE biex tikkunsidra jekk punt uniku ta’ servizz, bħal dak li għandna fil-qasam tal-VAT (16), jistax ikun possibbiltà. Dan ikun jirrikjedi li, fil-każ tat-teleħaddiema transfruntiera, l-impjegatur jirrapporta l-għadd ta’ jiem ta’ li t-teleħaddiema jkunu ħadmu fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u fil-pajjiż fejn jinsab l-impjegatur. B’din l-informazzjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jivvalutaw f’liema pajjiż ikun taxxabbli d-dħul, jew liema parti mid-dħul tkun taxxabbli f’kull pajjiż. Rakkomandazzjoni bħal din kienet appoġġjata mill-grupp ta’ esperti tal-KE fir-rapport tiegħu dwar “Modi biex jiġu indirizzati l-ostakoli tat-taxxa transkonfinali li jiffaċċjaw l-individwi fi ħdan l-UE” (17). Skema ta’ kumpens għad-dħul mit-taxxa fost il-pajjiżi tista’ tkun marbuta mal-informazzjoni rrappurtata fil-punt uniku ta’ servizz. Il-kontribwent għandu jikkuntattja amministrazzjoni tat-taxxa waħda biss.

4.5.

L-impjegatur tipikament ikollu jżomm it-taxxi fuq il-pagi u s-salarji tal-impjegat. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-iskemi tal-pensjonijiet pubbliċi u benefiċċji soċjali oħra għall-impjegat ħafna drabi jitħallsu separatament iżda jkunu bbażati fuq l-introjtu tal-impjegat (18). Dan inaqqas b’mod konsiderevoli l-piż amministrattiv jekk tali imposti jkunu jistgħu jitħallsu mill-impjegatur għall-impjegat b’tali mod li l-punt uniku ta’ servizz jalloka l-fondi lill-pajjiż riċevitur it-tajjeb. Sistema bħal din tkun tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-filing elettroniku.

4.6.

Il-KESE talab diversi drabi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Kooperazzjoni bħal din tagħmel il-ħajja aktar sempliċi għaċ-ċittadini u n-negozji ordinarji u żżid il-possibbiltajiet biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa b’mod aktar effiċjenti. Biex tiġi miġġielda l-evażjoni, huwa ta’ importanza kbira li l-konformità ssir aspett faċli.

4.7.

Sistema ta’ punt uniku ta’ servizz żviluppata għat-teleħaddiema transfruntiera tista’ sservi bħala l-ewwel pass biex ikun hemm infrastruttura li tippermetti lill-impjegati u lil min iħaddem inaqqsu t-tilwim dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri u fl-istess ħin tiżgura li t-taxxi jiġu imposti b’mod korrett mingħajr ma jkun meħtieġ li l-individwu jissottometti formoli f’aktar minn pajjiż wieħed.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-kuntratti tax-xogħol, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, id-drittijiet tal-pensjoni, it-tħassib dwar is-saħħa (fiżika u mentali) u s-sigurtà, l-impatt fuq l-organizzazzjonijiet tas-suq tax-xogħol, il-kompetittività eċċ., l-enfasi f’din l-Opinjoni hija fuq it-tassazzjoni diretta tal-impjegati u l-impjegaturi f’sitwazzjoni fejn il-ħaddiem huwa impjegat f’negozju f’pajjiż wieħed filwaqt li jwettaq parti limitata mill-ħin tax-xogħol minn barra l-pajjiż bl-użu ta’ għodod tat-telexogħol. L-Opinjoni ma tindirizzax ħaddiema stazzjonati, ħaddiema tal-fruntiera kif definiti fil-ftehimiet bilaterali jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom involuti f’bejgħ transfruntier.

(2)  The impact of teleworking and digital work on workers and society [L-impatt tat-telexogħol u tax-xogħol diġitali fuq il-ħaddiema u s-soċjetà (mhux disponibbli bil-Malti)].

(3)  The impact of teleworking and digital work on workers and society [L-impatt tat-telexogħol u tax-xogħol diġitali fuq il-ħaddiema u s-soċjetà (mhux disponibbli bil-Malti)].

(4)  Eurofound, Labour market change: Teleworkability and the COVID-19 crisis: a new digital divide? [Tibdil tas-suq tax-xogħol: Fattibbiltà tat-telexogħol u l-kriżi tal-COVID-19: distakk diġitali ġdid? (mhux disponibbli bil-Malti)]. Dokument ta' ħidma WPEF20020.

(5)  Dawn l-istrutturi jkopru t-telexogħol, iżda wkoll it-taħriġ u l-missjonijiet.

(6)  Updated guidance on tax treaties and the impact of the COVID-19 pandemic [Gwida aġġornata dwar it-trattati tat-taxxa u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 (mhux disponibbli bil-Malti)], OECD.

(7)  Tax in an Increasingly Mobile Working Environment: Challenges and Opportunities [It-Taxxa f’Ambjent tax-Xogħol Dejjem Aktar Mobbli: Sfidi u Opportunitajiet (mhux disponibbli bil-Malti)], mill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar “Pjattaforma għal governanza tajba tat-taxxa.

(8)  Ara s-Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1995 fil-Kawża C-279/93 Schumacker.

(9)  Tax compliance costs for SMEs: An update and a complement: final report [L-ispejjeż għall-konformità tat-taxxa tal-SMEs: aġġornament u addizzjoni: rapport finali (mhux disponibbli bil-Malti)], 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/180570

(10)  Updated guidance on tax treaties and the impact of the COVID-19 pandemic [Gwida aġġornata dwar it-trattati tat-taxxa u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 (mhux disponibbli bil-Malti)], OECD Secretariat analysis of tax treaties and the impact of the COVID-19 crisis [Analiżi tas-Segretarjat tal-OECD dwar it-trattati tat-taxxa u l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (mhux disponibbli bil-Malti)].

(11)  OECD Secretariat analysis of tax treaties and the impact of the COVID-19 crisis”OECD Secretariat analysis of tax treaties and the impact of the COVID-19 crisis [Analiżi tas-Segretarjat tal-OECD dwar it-trattati tat-taxxa u l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (mhux disponibbli bil-Malti)].

(12)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE” (COM(2010) 769 final), paġna 4: “Ċittadini tal-UE li jmorru f’pajjiż ieħor biex jaħdmu temporanjament jew b’mod permanenti jew jaqsmu l-fruntiera kuljum biex jaħdmu, fuq kollox jilmentaw dwar diffikultajiet biex jiksbu benefiċċji, tnaqqis mit-taxxa u tnaqqis minn awtoritajiet esteri oħrajn tat-taxxa. Huma jilmentaw ukoll spiss dwar rati tat-taxxi progressivament ogħla applikati għal dawk li mhumiex residenti u tassazzjoni ogħla għal dħul esteru. Problemi dwar tassazzjoni doppja jfiġġu wkoll b’mod prominenti, meta jinvolvu kunflitti dwar ir-residenza fiskali, limitazzjonijiet fl-ammont ta’ kreditu disponibbli taħt trattati bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja u anke n-nuqqas ta’ tali trattati f’ċerti każijiet.”

(13)  Il-ħaddiema li, wara l-pandemija, jgħixu b’mod permanenti f’pajjiż ieħor tal-UE differenti minn dak fejn tinsab id-ditta u li jaħdmu mill-bogħod se jiġu ffaċċjati b’ħafna mistoqsijiet: Liema sistema ta’ sigurtà soċjali se tkun applikabbli?; Lil liema awtorità tat-taxxa se jkollu jħallas l-impjegatur bit-taxxi fuq l-introjtu?; Min iħaddem se jkun jista’ jkompli jnaqqas it-taxxa minn ras il-għajn?; Ir-relazzjoni ta’ impjieg se jkollha tiġi rreġistrata mal-uffiċċji kompetenti tal-impjieg fil-pajjiż ta’ residenza l-ġdid tal-ħaddiem?; Liema leġiżlazzjoni tax-xogħol għandha tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg? eċċ.

(14)  Ways to tackle cross-border tax obstacles facing individuals within the EU [Modi kif jiġu indirizzati l-ostakli fiskali transfruntiera li jiffaċċjaw l-individwi fi ħdan l-UE (mhux disponibbli bil-Malti)].

(15)  L-iskema ta’ kumpens żviluppata għat-tassazzjoni korporattiva internazzjonali hija li parti mill-profitt f’kumpaniji bi profitt kbir tiġi allokata lill-pajjiż tal-bejgħ (Ammont A fil-Pilastru 1). Huwa importanti li kwalunkwe skema ta’ kumpens bejn il-pajjiżi minħabba t-telexogħol transfruntier tkun sempliċi kemm jista’ jkun. L-għadd ta’ jiem u l-introjtu ggwadanjat għandhom ikunu l-parametri ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati.

(16)  Il-punt uniku ta’ servizz dwar il-VAT (MOSS) ġie stabbilit mill-UE biex jittaffa l-piż fuq in-negozji li jbigħu lil konsumaturi fi Stati Membri oħra tal-UE. Il-punt uniċi ta’ servizz jippermettu lin-negozji jissottomettu dikjarazzjoni unika tal-VAT li tiddikjara l-bejgħ f’diversi Stati Membri tal-UE, minflok ma jkollhom jirreġistraw għall-VAT f’kull pajjiż.

(17)  Ways to tackle cross-border tax obstacles facing individuals within the EU [Modi kif jiġu indirizzati l-ostakli fiskali transfruntiera li jiffaċċjaw l-individwi fi ħdan l-UE (mhux disponibbli bil-Malti)].

(18)  Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi indirizzat ukoll l-effett fuq il-benefiċċji bħall-pensjonijiet eċċ. jekk il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jinqasmu bejn il-pajjiżi. Dan jista’ jkun is-suġġett ta’ ħidma futura mill-KESE.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-identità diġitali, is-sovranità tad-data u t-triq lejn tranżizzjoni diġitali ġusta għaċ-ċittadini li jgħixu fis-soċjetà tal-informazzjoni”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 443/03)

Relatur:

Dumitru FORNEA

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

21.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

179/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-progress teknoloġiku u l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji diġitali, il-bijoteknoloġiji u s-sistemi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ħolqu opportunitajiet importanti biex jiġu kkonsolidati soċjetajiet ekonomikament prosperużi, aktar inklużivi u ġusti. Fl-istess ħin, nibtu diversi theddidiet perikolużi għall-umanità.

1.2.

Sabiex inżommu s-sigurtà tal-umanità u n-nisġa soċjali meħtieġa għal kull individwu biex jgħixu ħajja sodisfaċenti fuq din il-pjaneta, irridu niżguraw li l-għodod ġodda ta’ governanza li huma imposti bir-rivoluzzjoni diġitali u industrijali ma jkunux oppressivi u ma jagħmlux il-ħajja ta’ kuljum tal-individwi kondizzjonali fuq l-inkorporazzjoni obbligatorja f’sistemi teknoloġiċi diġitali kkontrollati b’mod mhux demokratiku.

1.3.

L-istituzzjonijiet pubbliċi huma esposti għal atturi mhux statali b’aċċess dirett għall-għarfien, il-privattivi, it-teknoloġiji u l-fondi ta’ investiment. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropea (il-KESE) jemmen li s-sovranità teknoloġika Ewropea trid tiġi inkluża fl-iżviluppi futuri kollha tal-politika u l-leġiżlazzjoni trid tiġi supplimentata b’regolamenti espliċiti u applikabbli b’mod sħiħ u bi standards komuni fl-Istati Membri kollha.

1.4.

L-iżviluppi teknoloġiċi jaffettwaw ħafna drittijiet u libertajiet taċ-ċittadini. Il-Kumitat jirrikjedi li s-setturi kollha li jużaw id-data personali u l-bijodata għandhom ikunu regolati b’mod ċar u f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u jappella biex il-GDPR jiġi aġġornat kif imiss.

1.5.

Il-KESE huwa konvint li l-identità diġitali, il-mezzi diġitali ta’ ħlas u l-inkorporazzjoni fi pjattaformi ta’ realtà virtwali u awmentata għandhom jibqgħu għodod li jikkomplementaw biss l-eżistenza fiżika li konna nafu qabel l-adozzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji u m’għandhomx jissostitwixxu kompletament u b’mod abbużiv xejriet eżistenzjali oħra li jkunu ġew żviluppati u pperfezzjonati mill-bnedmin fuq eluf ta’ snin ta’ eżistenza.

1.6.

Il-KESE jitlob dispożizzjonijiet ċari kontra d-diskriminazzjoni fil-proposti leġiżlattivi futuri kollha dwar l-identità diġitali u huwa totalment kontra l-introduzzjoni ta’ sistema li tosserva mill-qrib liċ-ċittadini Ewropej, issegwihom u/jew timmonitorja l-attivitajiet u l-imġiba tagħhom. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ li s-soċjetà ċivili organizzata tkun involuta bis-sħiħ fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

1.7.

Il-KESE wasal għall-konklużjoni li kwalunkwe inizjattiva biex iċ-ċittadini jiġu integrati fis-sistema Ewropea tal-identità diġitali għandha tkun ibbażata fuq studji tal-impatt u stħarriġ soċjoloġiku komprensiv. Id-deċiżjoni finali għandha tittieħed biss bil-kunsens infurmat u espress liberament taċ-ċittadin.

1.8.

Il-KESE jemmen li sabiex nimxu demokratikament lejn soċjetà diġitali ġusta li tkun aċċettata miċ-ċittadini tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea trid twettaq valutazzjonijiet tal-impatt dwar:

Il-ħtieġa enormi ta’ 24 siegħa kuljum għal enerġija biex tinżamm l-infrastruttura teknoloġika globali biex tappoġġja aċċess bla interruzzjoni u sigur għal sistema diġitali mmirata lejn it-trasferiment tal-funzjonalitajiet kritiċi u strateġiċi tas-soċjetà umana;

L-impatt tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-interazzjoni umana fuq il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, speċjalment f’termini ta’ relazzjonijiet umani, iż-żieda fil-prevalenza tas-solitudni, il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali, it-tnaqqis fl-intelliġenza konjittiva u emozzjonali u r-riskju akbar tal-aljenazzjoni soċjali;

Il-miżuri politiċi, ekonomiċi u soċjali meħtieġa biex is-soċjetà tiġi adattata għall-bidliet kwantitattivi drammatiċi fis-suq tax-xogħol;

Iċ-ċibersigurtà, li fil-kuntest tagħha żdiedu d-diversità u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-hackers, u rigward il-kundizzjonijiet tal-iżvilupp aċċellerat tal-Internet tal-Oġġetti li jagħmlu l-protokolli tal-aċċess vulnerabbli u permeabbli.

1.9.

Il-KESE jikkonkludi li s-sigurtà tad-data m’għandhiex tkun negozjabbli u jinsab diżappuntat li s-sigurtà tal-kartiera diġitali futura Ewropea mhijiex l-ogħla prijorità fil-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni.

1.10.

Il-KESE jqis li r-responsabbiltà sħiħa għall-ħsarat possibbli trid tkun prevista b’mod ċar fil-proposti leġiżlattivi kollha tal-UE dwar l-intelliġenza artifiċjali. Irid jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn li ma jiġux żvelati sigrieti kummerċjali u li jiġu żgurati żviluppi trasparenti u traċċabbli.

1.11.

Il-Kumitat kien l-ewwel istituzzjoni Ewropea li talbet għal approċċ ta’ “human-in-command” u jtenni l-ħtieġa għal diversi saffi ta’ kontroll biex jiġi żgurat dan.

1.12.

Il-KESE huwa totalment kontra bażijiet tad-data privati ta’ rikonoxximent tal-wiċċ ħlief għal skopijiet ta’ kriminalità u kwalunkwe tip ta’ sistema ta’ punteġġ soċjali, peress li dawn jiksru l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE.

1.13.

Il-Kumitat jemmen li d-data prodotta fl-UE għandha tinħażen fit-territorju tal-UE u għandha tkun protetta minn kwalunkwe aċċess ekstraterritorjali. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-kunsens infurmat dwar l-użu tad-data jrid jiġi implimentat kemm għad-data personali kif ukoll għal dik mhux personali u jitlob għal darb’oħra biex il-GDPR jiġi aġġornat f’dan ir-rigward.

1.14.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar id-disparitajiet li qed jikbru bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta’ protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli u jerġa’ jitlob għal UE li tħaddan l-inklużjoni diġitali fejn ħadd ma jitħalla barra. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ġenerazzjoni aktar anzjana.

1.15.

Il-Kumitat jitlob sistema edukattiva diġitali Ewropea b’saħħitha li tista’ tipprepara lill-forza tax-xogħol għall-isfidi teknoloġiċi u tgħinha tikseb impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-programmi tal-kompetenza diġitali jridu jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha, flimkien ma’ programmi ta’ tagħlim diġitali tul il-ħajja, tutorials tal-vokabularju u taħriġ prattiku.

1.16.

Il-Kumitat iqis li l-involviment tal-impjegati fit-tranżizzjoni diġitali huwa vitali sabiex ikunu jistgħu jifhmu r-riskji u l-opportunitajiet futuri sabiex l-għarfien ikun jista’ jiġi ttrasferit u jkunu jistgħu jinkisbu ħiliet ġodda.

2.   Sfond

2.1.

Iċ-ċittadini Ewropej huma interessati fl-iżviluppi fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tat-teknoloġija diġitali biex jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jittrattaw mal-awtoritajiet jew fil-ħajja ta’ kuljum fis-soċjetà. Din l-Opinjoni għandha l-għan li tissensibilizza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u Ewropew dwar it-tħassib tas-soċjetà ċivili organizzata relatat mal-effetti negattivi potenzjali fuq is-soċjetà assoċjati mal-introduzzjoni aċċelerata tat-teknoloġiji diġitali.

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 ħaffet it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet u ġiegħlet liċ-ċittadini jħaddnu teknoloġiji ġodda għax-xogħol, l-istudju u attivitajiet oħra ta’ kuljum. Ipprovdiet opportunitajiet għan-negozji u ċ-ċittadini biex jaġġornaw b’mod diġitali u jagħmlu progress.

2.3.

Il-benefiċċji tal-implimentazzjoni mifruxa tal-identità diġitali huma spjegati b’mod wiesa’ f’diversi dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali globali. F’dan ir-rigward, l-aktar dokument reċenti huwa l-Proposta għal Regolament fir-rigward tal-istabbiliment ta’ qafas għall-Identità Diġitali Ewropea (1), ippubblikata fit-3 ta’ Ġunju 2021.

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tipprovdi qafas Ewropew ta’ identità diġitali bbażat fuq ir-reviżjoni tal-qafas attwali, sabiex mill-inqas 80 % taċ-ċittadini jkollhom soluzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika biex jaċċessaw is-servizzi pubbliċi essenzjali sal-2030 (2). L-awtoritajiet pubbliċi jridu jkunu mgħammra bir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex ikunu jistgħu jinkludu u jikkontrollaw l-iżviluppi teknoloġiċi diġitali.

2.5.

Bħala evidenza ta’ dan, ta’ min jinnota li l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) (3) ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2021 juri li, fl-2020, il-perċentwal ta’ nies b’mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi kien ta’ 56 %. Madankollu, parti kbira tal-popolazzjoni tal-UE għad m’għandhiex ħiliet diġitali bażiċi, minkejja li ħafna mill-impjiegi jeħtiġuhom. Ħafna ċittadini jsostnu li għandhom il-ħiliet diġitali, iżda wara spezzjoni aktar mill-qrib, dawn mhumiex aktar mill-kapaċità li jagħmlu użu bażiku mill-opportunitajiet offruti mill-internet (browsing u networking soċjali) u l-pakketti tas-software offruti minn Microsoft Office jew Mac OS.

2.6.

Rigward l-intelliġenza artifiċjali, studju reċenti maħruġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment (4) juri li l-Ewropa għadha lura fil-konfront ta’ potenzi ekonomiċi dinjija oħra. Isemmi li l-Istati Uniti u ċ-Ċina flimkien jammontaw għal aktar minn 80 % tal-EUR 25 biljun f’investimenti annwali ta’ ekwità fl-IA u t-teknoloġiji tal-blockchain. L-UE tirrappreżenta biss 7 %, u d-differenza totali fl-investiment hija bejn EUR 5 u 10 biljun fis-sena.

2.7.

Il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas dan id-distakk u tipprovdi EUR 1 biljun investiment fis-sena fl-IA, li għandu jiġi supplimentat minn investiment privat u riżorsi proprji tal-Istati Membri. Il-mira hija li jintlaħqu EUR 20 biljun f’investiment fis-sena matul l-għaxar snin li ġejjin (5).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-progress teknoloġiku b’mod ġenerali, u l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji diġitali, il-bijoteknoloġiji u s-sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika matul l-aħħar żewġ deċennji ħolqu opportunitajiet enormi globalment biex jikkonsolidaw soċjetajiet ekonomikament prosperużi, aktar inklużivi u ġusti.

3.2.

Fl-istess ħin, mingħajr kuntratt soċjali ġdid u qafas regolatorju adattat għal dawn it-teknoloġiji ġodda b’impatt ta’ tfixkil, żviluppa għadd ta’ theddidiet perikolużi għall-umanità (bħal telf ta’ impjiegi minħabba avvanzi fl-awtomatizzazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha, il-ksur tal-privatezza, il-preġudizzju algoritmiku kkawżat minn data ħażina, il-volatilità tas-suq, eċċ.), speċjalment meta wieħed iqis it-tentattivi kostanti tal-ġganti tat-teknoloġija globali biex jimponu l-prodotti u s-servizzi tagħhom, u jevitaw li jsegwu l-korp eżistenti ta’ leġiżlazzjoni fil-livell internazzjonali u nazzjonali li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

3.3.

L-istituzzjonijiet tal-gvern internazzjonali u nazzjonali huma esposti għal atturi mhux statali b’aċċess dirett għall-għarfien, il-privattivi, it-teknoloġiji u l-fondi ta’ investiment, peress li ħafna drabi l-persunal ta’ dawn l-istituzzjonijiet jonqos milli jifhem l-impatt soċjetali sħiħ ta’ teknoloġiji ġodda fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi. Il-Kumitat mhuwiex konvint li l-kunsiderazzjonijiet tas-sovranità teknoloġika tal-UE jridu jiġu inklużi fl-iżviluppi futuri kollha tal-politika.

3.4.

Il-KESE jappella biex il-leġiżlazzjoni tiġi ċċarata u supplimentata b’regolamenti espliċiti u applikabbli bis-sħiħ u standards komuni fl-Istati Membri kollha, inklużi r-responsabbiltajiet relatati, fir-rigward tal-fatt li t-teknoloġiji relatati mal-identità diġitali huma fil-biċċa l-kbira ġestiti minn algoritmi tal-kompjuter u l-intelliġenza artifiċjali, li ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-iżbalji li jagħmlu.

3.5.

Diġà hemm ħafna sitwazzjonijiet dokumentati, li ġew studjati fid-dettall, li fihom in-nies huma affettwati u kkundannati inġustament għad-deċiżjonijiet żbaljati ta’ algoritmi tal-kompjuter u l-intelliġenza artifiċjali. Pereżempju, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija huma mqarrqa mir-riżultati żbaljati ta’ algoritmi tal-kompjuter bħall-“intelliġenza artifiċjali”, ir-“rikonoxximent tal-wiċċ”, it-“tagħlim awtomatiku”, l-“analiżi u tbassir tad-data”, l-“iskedi tal-ħin u l-punteġġi”, eċċ. Bħala riżultat, ħafna drittijiet u libertajiet taċ-ċittadini huma affettwati.

3.6.

Għalhekk, ir-regoli legali li se jiġu żviluppati biex ikopru l-qasam tal-identità diġitali u t-teknoloġiji relatati tiegħu jridu jkunu bbażati primarjament fuq trasparenza sħiħa, l-informazzjoni korretta u kompleta tal-utenti u l-kunsens infurmat b’xejn, u jridu jiżguraw protezzjoni sħiħa li tipprovdi għall-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi kollha tan-networks tal-komunikazzjoni mobbli u l-apparat tagħhom, eċċ. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jirrikjedi li s-setturi kollha li jużaw data personali u l-bijodata, bħall-identità diġitali jew in-networks tal-komunikazzjoni mobbli 5G, l-intelliġenza artifiċjali u oħrajn iridu jkunu regolati b’mod distint, ċar u f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

4.   Kummenti speċifiċi

L-identità diġitali

4.1.

Fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-ID diġitali fl-Ewropa, il-ġestjoni tad-data hija vitali biex tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċittadini u tiġi salvagwardjata l-privatezza tagħhom. Trid tiġi żgurata konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).

4.2.

Iċ-ċittadini Ewropej huma fiċ-ċentru ta’ kwalunkwe programm u politika implimentata fl-UE. Il-KESE japprezza u jappoġġja l-ħruġ tal-Proposta tal-Kummissjoni dwar l-Identità Diġitali għall-Ewropej kollha (6), li tispeċifika li l-għażla ta’ jekk tintużax l-ID diġitali jew le trid tkun tal-individwu. Madankollu, il-Kumitat iqis li ġie sottovalutat l-impatt tal-esklużjoni ta’ ċerti ċittadini li ma jagħżlux ID diġitali u jinsisti li d-dritt li wieħed jintesa u d-dritt ta’ skonnessjoni jiġu implimentati b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

4.3.

Il-KESE jitlob dispożizzjonijiet ċari kontra d-diskriminazzjoni fil-proposti leġiżlattivi futuri kollha dwar is-suġġett. Hi x’inhi r-raġuni għaliex kwalunkwe ċittadin jista’ jiddeċiedi li ma jużax tali karatteristika, kemm jekk għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data jew ta’anonimità jew oħrajn, ma jridux jitqiegħdu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ utenti attivi jew emarġinati. Id-data individwali għandha dejjem tibqa’ l-proprjetà tal-individwu rispettiv filwaqt li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem trid tirfed l-implimentazzjoni tal-ID diġitali. Sabiex jiġu ggarantiti l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data, kif ukoll ir-rispett għall-ħajja privata, il-Kumitat jipproponi li l-identità diġitali taċ-ċittadini tal-UE tiġi ġestita, f’kull Stat Membru, minn korp ta’ servizz pubbliku, taħt l-awtorità tal-Istat u soġġett għal kontroll demokratiku mill-parlamenti nazzjonali.

4.4.

L-introduzzjoni ta’ ID diġitali fl-Ewropa għandu jkollha l-għan li tippermetti konnettività sikura u faċli għall-konsumaturi. Trid tipprovdi, fost affarijiet oħra, data mtejba u twassil tas-servizz pubbliku, programmi mtejba tal-gvern immirati u effiċjenza akbar fis-suq tal-kreditu. Il-KESE huwa favur xenarju bħal dan. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-implimentazzjoni tal-ID diġitali tinvolvi sensiela ta’ riskji f’termini ta’ privatezza u protezzjoni tad-data u huwa totalment kontra l-introduzzjoni ta’ sistema li tosserva mill-qrib liċ-ċittadini Ewropej, issegwihom u/jew timmonitorja l-attivitajiet u l-imġiba tagħhom.

4.5.

Iċ-ċibersigurtà hija aspett importanti tal-implimentazzjoni, fejn ir-riskju tal-hacking ta’ data personali u finanzjarja importanti huwa għoli. Il-KESE qed jistenna bil-ħerqa l-verżjoni finali tal-leġiżlazzjoni proposta u l-ftehim bejn l-Istati Membri dwar l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-aspetti tal-interoperabbiltà, li għandhom ikunu fis-seħħ sa Ottubru 2022. Il-KESE jqis li s-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-imsieħba soċjali, l-NGOs u l-akkademja, trid tkun involuta bis-sħiħ fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

4.6.

Il-frodi jibqa’ wieħed mill-akbar riskji konnessi mal-implimentazzjoni tal-ID diġitali. Il-messaġġi tal-phishing li lkoll nirċievu llum se jiġu mmultiplikati u mmirati lejn l-aktar gruppi vulnerabbli fl-Ewropa. Il-KESE jikkunsidra li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà dwar din il-kwistjoni ma ġewx kwantifikati bir-reqqa u huwa diżappuntat li s-sigurtà tal-kartiera diġitali futura mhijiex l-aktar kwistjoni importanti fil-proposta tal-KE li tistabbilixxi qafas għal Identità Diġitali Ewropea. Il-frodi tal-identità sintetika seħħet f’partijiet oħra tad-dinja fejn huma implimentati sistemi simili u l-UE għandha tiffamiljarizza ruħha mal-kwistjonijiet u tittrattahom qabel l-implimentazzjoni. Għalhekk, il-Kumitat iqis li s-sigurtà tad-data m’għandhiex tkun negozjabbli.

IA – Intelliġenza artifiċjali

4.7.

Is-suq uniku diġitali jeħtieġ l-IA biex jevolvi u javvanza. L-intelliġenza artifiċjali hija bbażata fuq algoritmi li jeħtieġu ammonti kbar ta’ data u metadata privati. Is-soċjetà trid tibbenefika minn żviluppi teknoloġiċi u xjenza applikata bbażata fuq algoritmi. Madankollu, meta jiġu implimentati teknoloġiji tal-IA jrid jiġi żgurat li l-komunitajiet storikament emarġinati jkunu kapaċi jlaħħqu mal-programmi u li d-disparitajiet soċjali eżistenti ma jiġux aggravati.

4.8.

Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni Ewropea li talbet għal approċċ ta’ human-in-command meta jiġu ttrattati sistemi tal-IA (7). Il-KESE jafferma mill-ġdid li huwa importanti ħafna li l-bnedmin ikollhom l-aħħar kelma u jkunu f’kontroll sħiħ tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fejn jidħlu l-iżviluppi tal-magni.

4.9.

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tista’ tintuża bħala argument għal żviluppi ta’ IA mhux trasparenti. Il-KESE jqis li jrid jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn li ma jiġux żvelati sigrieti kummerċjali u li jiġu żgurati żviluppi trasparenti u traċċabbli. Barra minn hekk, ir-responsabbiltà għal ħsarat possibbli trid tkun prevista b’mod ċar fil-proposti leġiżlattivi kollha tal-UE dwar l-intelliġenza artifiċjali, u r-responsabbiltà għandha titpoġġa fuq l-iżviluppaturi, il-kodifikaturi, id-disinjaturi tal-IA u s-sidien leġittimi.

4.10.

Il-Kumitat iħoss li t-teknoloġiji tal-IA jridu jiġu implimentati b’mod soċjalment sostenibbli, b’mod li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem, il-valuri Ewropej, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità kulturali, l-interessi tal-gruppi żvantaġġati u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

4.11.

Huwa meħtieġ aktar progress fir-regolament tal-GDPR sabiex jiġi żgurat li l-algoritmi jkunu f’konformità sħiħa mal-liġi Ewropea u jirrispettawha u l-Kumitat jitlob l-iżvilupp ta’ regoli etiċi komuni li jiżguraw aċċess liberu għall-kodiċijiet tas-sors tal-algoritmi.

4.12.

L-IA għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u ambjentali, iżda wieħed irid iqis l-ammont enormi ta’ enerġija li tintuża għat-tħaddim ta’ dawn is-sistemi diġitali, kif ukoll sfidi oħra relatati mal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni. Il-KESE jipproponi monitoraġġ imsaħħaħ ta’ dan l-aspett u jitlob li l-kumpaniji diġitali jagħmlu progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju.

4.13.

F’oqsma ewlenin bħad-difiża jew iċ-ċibersigurtà, il-kontroll tal-bnedmin fuq ir-robots għandu jiġi ggarantit u l-KESE jappella għal qafas speċifiku ħafna fil-livell tal-UE li jiżgura dan, u li l-intervent tal-bniedem għandu dejjem ikun possibbli biex jissewwew l-iżbalji ta’ kwalunkwe sistema deċiżjonali awtomatizzata.

4.14.

Il-KESE huwa kompletament kontra bażijiet tad-data privati ta’ rikonoxximent tal-wiċċ ħlief għal skopijiet ta’ kriminalità u kwalunkwe tip ta’ sistema ta’ punteġġ soċjali, peress li dawn jiksru l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE.

4.15.

Fir-rigward tal-aspetti soċjali, il-KESE jinsab imħasseb li l-iżviluppi tal-IA se jħallu impatt kbir fuq is-swieq tax-xogħol, li potenzjalment jikkawżaw kriżi tal-qgħad. Barra minn hekk, jistgħu jħallu impatt fuq l-imġiba tal-bniedem u jwasslu għall-għażż u s-superfiċjalità.

Big data

4.16.

Il-KESE jilqa’ l-Att dwar id-Data (8) maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea fi Frar 2022 u jqisu bħala qafas etiku għall-ipproċessar trasparenti tad-data personali, li fih iċ-ċittadini u n-negozji li jiġġeneraw tali data jkollhom kontroll sħiħ. Dan jagħmilha possibbli wkoll li d-data tintuża minn numru akbar ta’ partijiet ikkonċernati u ċittadini, b’benefiċċji estiżi għall-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, li jwassal għalhekk għal ekonomija ġusta mmexxija mid-data.

4.17.

Ammonti kbar ta’ data issa huma disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi u għal numru żgħir ta’ kumpaniji tat-teknoloġija kbar bħal Google, Facebook (Meta), TikTok jew Amazon. Sfortunatament, għadd limitat biss ta’ partijiet ikkonċernati llum jibbenefikaw minn din id-data u l-KESE huwa mħasseb li d-data prodotta fl-UE qed tinħażen, tiġi pproċessata u tipproduċi valur barra mill-Ewropa (9). Il-Kumitat iqis li s-sovranità diġitali tal-UE ser tkun diffiċli biex tinkiseb mingħajr ma l-UE jkollha ġganti tat-teknoloġija diġitali tagħha stess, mingħajr ma tinħażen data Ewropea fit-territorju tal-UE u mingħajr il-protezzjoni ta’ din id-data minn kwalunkwe aċċess ekstraterritorjali.

4.18.

Il-ġestjoni tal-big data trid dejjem tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem kif minquxin fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (10), speċjalment meta l-algoritmi jintużaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-fornituri tal-cloud ibbażati fl-UE għandhom biss parti żgħira mis-suq internazzjonali, li fil-biċċa l-kbira huwa ddominat minn kumpaniji tal-Istati Uniti. Dan ipoġġi lill-UE fi żvantaġġ u qed jillimita l-possibilitajiet ta’ investiment fis-suq tal-ipproċessar tad-data. Qed ixekkel ukoll il-kompetittività tal-kumpaniji l-kbar u l-possibbiltà tagħhom li jikbru u jiksbu s-swieq, u jipprevjeni lill-SMEs milli jespandu. Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-KE dwar Politika ta’ kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda (11) u l-importanza mogħtija lit-trasformazzjoni diġitali meta jitfassal mill-ġdid il-qafas futur tal-kompetizzjoni tal-UE.

4.19.

Il-Kumitat iqis li l-kunsens infurmat dwar l-użu tad-data jrid jiġi implimentat kemm għal data personali kif ukoll għal data mhux personali. Il-KESE jitlob għal darb’oħra biex il-GDPR jiġi aġġornat f’dan ir-rigward.

It-tranżizzjoni diġitali ġusta u l-kompetenza diġitali fl-UE

4.20.

Il-Kumitat jinnota suq tax-xogħol li qed jinbidel b’aktar u aktar setturi tal-ekonomija jilmentaw min-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u kwalifikata. Jinnota wkoll tnaqqis fil-kwalifiki u nuqqas ta’ għarfien u kompetenza speċifiċi.

4.21.

Il-KESE talab f’Opinjonijiet preċedenti għal Unjoni li tħaddan l-inklużjoni diġitali fejn ħadd ma jitħalla barra. Snin wara, id-disparitajiet bejn l-Istati Membri qed jikbru u l-gruppi vulnerabbli għadhom mhumiex protetti, speċjalment il-popolazzjoni anzjana, li hija l-aktar esposta.

4.22.

Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar id-distakk diġitali eżistenti fl-UE u jitlob li b’mod koordinat jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha programmi ta’ kompetenza diġitali, u jitlob li t-tagħlim diġitali tul il-ħajja, inklużi soluzzjonijiet b’sors miftuħ bħala alternattivi bla ħlas għal dawk kummerċjali, isir realtà fl-UE. Il-ħolqien ta’ ħiliet diġitali jibda b’tutorials tal-vokabularju u jispiċċa b’taħriġ prattiku.

4.23.

L-involviment tal-impjegati fit-tranżizzjoni diġitali huwa vitali sabiex ikunu jistgħu jifhmu r-riskji u l-opportunitajiet futuri fl-istess ħin. L-ambjenti tal-post tax-xogħol li qed jinbidlu jeħtieġu li l-għarfien jiġi ttrasferit u li jinkisbu ħiliet ġodda, iżda wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba għan-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali.

4.24.

Il-KESE jitlob sistema Ewropea ta’ edukazzjoni diġitali b’saħħitha li tista’ tipprepara l-forza tax-xogħol għall-isfidi teknoloġiċi u tgħinhom jiksbu impjiegi ta’ kwalità għolja, u f’dan ir-rigward ifakkar fil-Ftehim Qafas tal-Imsieħba Soċjali Ewropej dwar id-Diġitalizzazzjoni.

4.25.

Il-Kumitat diġà talab li jittejbu aktar il-kompetenzi solidi STEM fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (12).

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward l-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea (COM(2021) 281 final).

(2)  Identità Diġitali għall-Ewropej kollha.

(3)  https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/desi

(4)  Studju tal-BEI: Artificial intelligence, blockchain and the future of Europe: How disruptive technologies create opportunities for a green and digital economy

(5)  Kummissjoni Ewropea – Approċċ Ewropew għall-intelliġenza artifiċjali (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  L-identità Diġitali għall-Ewropej kollha, COM(2021) 281 final.

(7)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

(8)  Kummissjoni Ewropea – L-Att dwar id-Data.

(9)  L-Eurostat jirrapporta li 36 % biss tal-intrapriżi tal-UE użaw is-servizzi tal-cloud fl-2020 u ħafna minnhom għall-posta elettronika u l-memorja, u ntużaw biss 19 % tal-kumpaniji tal-cloud.

(10)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(11)  Komunikazzjoni tal-KE – A competition policy fit for new challenges (COM(2021) 713 final) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  ĠU C 14, 15.1.2020, p. 46; ĠU C 10, 11.1.2021, p. 40; ĠU C 228, 5.7.2019, p. 16; ĠU C 75, 10.3.2017, p. 6; ĠU C 374 16.9.2021, p. 11.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Analiżi tar-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), inkluża s-sitwazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) f’dan ir-rigward”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 443/04)

Relatur:

Carlos TRINDADE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.10.2021

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

9.6.2022

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

170/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jinnota li l-Unjoni Ewropea għal żmien twil adottat qafas ta’ valuri u objettivi li jirregola r-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), speċifikament dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv b’impjiegi deċenti, il-mobilità u l-migrazzjoni meqjusa bħala opportunitajiet, l-iżvilupp tal-bniedem, l-ambjent, u r-rieda li “ngħaqqdu l-forzi tagħna fix-xena dinjija fl-oqsma ta’ interess komuni”. Fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi ġirien, dan il-qafas huwa kkomplementat minn objettiv ta’ sigurtà.

1.2.

Il-KESE japprova dan il-qafas ta’ valuri u objettivi, stabbilit f’firxa ta’ ftehimiet internazzjonali mal-Istati AKP mill-1960 ‘l hawn, u li permezz tiegħu l-UE mexxiet ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha.

1.3.

Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali dan il-ftehim il-ġdid u jittama li dan jista’ jiġi ffirmat malajr mill-partijiet, il-KESE jfaħħar lil dawn il-partijiet għall-isforzi konsiderevoli li għamlu u l-impenji importanti li ħadu, bl-użu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) bħala qafas ta’ referenza.

1.4.

B’mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni li l-arkitettura tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li tirfed il-Ftehim il-ġdid u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) għandha tkun is-suġġett ta’ riflessjoni fil-fond u deċiżjonijiet ġodda, billi titqies l-esperjenza tal-COVID-19 (li tqajjem il-kwistjoni tal-infrastruttura tas-saħħa kritika) u l-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-gwerra fl-Ukrajna (inklużi s-sigurtà tal-ikel, il-prezzijiet tal-enerġija u t-theddid għad-demokrazija). Il-KESE jenfasizza li dawn iż-żewġ avvenimenti globali ewlenin, li bidlu b’mod profond ix-xenarju globali, ħolqu l-ħtieġa għal reazzjonijiet aktar kumplessi u urġenti fl-Istati AKP, li jeħtieġu forma ta’ kooperazzjoni internazzjonali li hija pjuttost differenti minn dik attwali.

1.5.

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-ftehim il-ġdid jirrikonoxxi r-rwol importanti li jaqdu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, u jfaħħar lill-partijiet firmatarji għall-approvazzjoni tagħhom ta’ dan ir-rikonoxximent.

1.6.

Il-KESE jenfasizza u japprezza ferm li l-ftehim il-ġdid, fil-bażi komuni tiegħu bħal f’kull wieħed mill-protokolli reġjonali tiegħu, jafferma ripetutament, anke f’formulazzjonijiet differenti, l-importanza li jiġu pprovduti mekkaniżmi formali għall-parteċipazzjoni, l-għoti ta’ informazzjoni, is-smigħ u l-konsultazzjoni strutturata tas-soċjetà ċivili, jew “mekkaniżmi istituzzjonali”.

1.7.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom mekkaniżmi distinti ta’ istituzzjonalizzazzjoni, li permezz tagħhom jistgħu jesprimu b’mod formali l-pożizzjonijiet, il-proposti u l-kritika tagħhom. Huwa essenzjali li, ikunu xi jkun l-isem, kumitati ekonomiċi, soċjali u kulturali, kunsilli konsultattivi, fora, il-pjattaformi, networks tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, konferenzi permanenti jew kwalunkwe titolu ieħor, ikun hemm mekkaniżmi istituzzjonali regolati mil-liġi u li joperaw b’mod formalizzat, li permezz tagħhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jipprattikaw id-djalogu ċivili, u l-imsieħba soċjali, li jipparteċipaw fid-djalogu soċjali, ikunu jistgħu, permezz tal-impenn tagħhom, jikkontribwixxu għad-dibattitu fl-ispazju pubbliku u demokratiku. Għaldaqstant, il-formalizzazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi istituzzjonali tagħmel lis-soċjetà aktar reżiljenti, billi tagħti spinta liċ-ċittadinanza u tintensifika l-ħajja demokratika.

1.8.

Il-KESE josserva li fl-UE u fl-Istati AKP, ir-realità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u l-mekkaniżmi istituzzjonali hija ferm differenti, minħabba d-differenzi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi bejn ir-reġjuni, is-sottoreġjuni u l-pajjiżi. Fl-Istati AKP, l-ekonomija informali hija realtà inkontestabbli u din trid titqies fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, u fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-mekkaniżmi istituzzjonali. Jekk dan ma jsirx, il-pubbliku ġenerali ma jibbenefikax mir-riżultati tal-Ftehim il-ġdid. Il-KESE jafferma li huwa assolutament meħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet li jegħlbu d-diffikultajiet eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità teknika u l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jemmen li fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) hemm sett ta’ prattiki tajbin li għandhom jiġu identifikati sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati f’pajjiżi oħra. Il-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP huwa eżempju ta’ dan, u huwa f’pożizzjoni li jwettaq dan il-kompitu.

1.9.

Fir-rigward tal-involviment tiegħu f’dan il-proċess, il-KESE għandu l-għan li jimplimenta l-mekkaniżmi istituzzjonali previsti u li jippromovi u jappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali fil-pajjiżi AKP, filwaqt li jirrikonoxxi li dawn l-atturi għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 17.

1.10.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-objettiv li, f’konformità mal-istruttura tal-ftehim il-ġdid, jiġu stabbiliti erba’ mekkaniżmi istituzzjonali, jiġifieri l-ewwel wieħed bejn l-Unjoni Ewropea u l-OSAKP, abbażi tal-bażi komuni, it-tieni wieħed mal-Afrika, it-tielet wieħed mal-Karibew u r-raba’ wieħed mal-Paċifiku, taħt il-protokolli reġjonali li kkonkluda ma’ dawn ir-reġjuni, rispettivament.

1.11.

Il-KESE jipproponi wkoll li l-Kummissjoni twaqqaf kumitati konsultattivi taħt il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika. Il-KESE jafferma li r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali fil-FSE huwa insostitwibbli u għandu jissaħħaħ. Għalhekk, il-KESE japprova r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjoni REX/536, li għandhom jiġu implimentati fl-FSE attwali u futuri, u jqis li l-Kumitat Konsultattiv tal-Cariforum huwa eżempju eċċellenti ta’ prattika tajba, li għandha tinxtered u tiġi replikata.

1.12.

Il-KESE jipproponi b’mod qawwi lill-Kummissjoni sabiex fil-futur tiżgura li d-diversi mekkaniżmi istituzzjonali li għandhom jiġu implimentati skont il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-OSAKP (bażi komuni, protokolli reġjonali u ftehimiet ta’ sħubija ekonomika) ikunu organizzati sew sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu ottimizzati r-riżorsi, b’mod partikolari dawk finanzjarji. Il-mekkaniżmi istituzzjonali, jekk jiffukaw fuq il-missjoni tagħhom mill-qrib u b’mod rigoruż, li joperaw bħala network u jaħdmu flimkien bħala sistema unika u strutturata, se juru l-importanza tagħhom għar-reżiljenza tas-soċjetajiet, it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tan-nies.

1.13.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tipprovdi strumenti finanzjarji sabiex tappoġġja programmi għal studji u proġetti ta’ prospettiva li jiffokaw fuq is-sitwazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-Istati AKP, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tagħhom f’termini tal-awtonomizzazzjoi tal-mexxejja tagħhom, ir-robustezza teknika tagħhom u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi istituzzjonali previsti. Il-KESE jenfasizza li l-għan huwa li b’dan il-mod jingħata kontribut biex tissaħħaħ l-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/imsieħba soċjali demokratiċi fl-ambitu tal-Ftehim il-ġdid, b’azzjoni kompetenti u involviment attiv tal-membri tagħhom.

1.14.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa li l-Kummissjoni tappoġġja l-ħidma tal-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP tal-KESE, li huwa l-uniku mekkaniżmu istituzzjonali li jeżisti bħalissa fl-ambitu tal-Ftehim il-ġdid UE-OSAKP u li ser ikollu rwol imsaħħaħ f’dan il-proċess, b’mod partikolari permezz ta’ djalogu strutturat, sabiex (i) jipprovdi rapporti, proġetti u Opinjonijiet rilevanti lill-istituzzjonijiet, (ii) iħeġġeġ l-involviment tal-partijiet konċernati mill-pajjiżi AKP, u (iii) jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-mekkaniżmi istituzzjonali previsti.

2.   Kummenti ġenerali dwar il-kuntest storiku u l-għanijiet strateġiċi

2.1.

Fl-2016, l-Unjoni Ewropea adottat sett ta’ prijoritajiet ta’ interess komuni fil-qafas tas-sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), li ġew ikkonfermati mill-ġdid f’dokumenti sussegwenti dwar id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u x-xogħol deċenti, it-trasformazzjoni tal-mobilità u l-migrazzjoni f’opportunitajiet, l-iżvilupp tal bniedem, l-ambjent, u r-rieda li jkun hemm “ħidma konġunta fl-arena globali fuq oqsma ta’ interessi komuni” (1). Ma’ din il-lista jistgħu jiżdiedu kwistjonijiet ta’ sigurtà, biex jitqiesu r-relazzjonijiet tal-pajjiżi mal-eqreb ġirien tagħhom. Din il-klassifikazzjoni tikkonsolida l-għanijiet li l-Unjoni Ewropea kienet stabbiliet f’dan il-qasam.

2.2.

L-UE fformalizzat dawn l-objettivi permezz ta’ ftehimiet internazzjonali, l-ewwel permezz tal-Konvenzjoni ta’ Yaoundé, imbagħad bil-Ftehimiet ta’ Lomé, sussegwentement bil-Ftehim ta’ Cotonou u issa permezz tan-negozjar tal-Ftehim ta’ wara Cotonou. Fl-istess ħin, l-UE kkonkludiet Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika ma’ għadd ta’ Stati AKP jew gruppi ta’ Stati.

2.3.

Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSEs) li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ma’ Stati jew gruppi sottoreġjonali tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) huma l-aktar strument ekonomiku ġenerali biex din l-istrateġija titqiegħed fil-prattika. Huma jistabbilixxu l-objettiv tagħhom li jintegraw mingħajr xkiel u gradwalment l-Istati AKP fl-ekonomija dinjija u li jeqirdu l-faqar, filwaqt li jenfasizzaw li d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tal-Partijiet u l-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali speċifiċi ta’ kull ekonomija u, b’mod partikolari, il-grad ta’ informalità f’kull stat jew sottoreġjun jeħtieġ li jitqiesu fin-negozjati.

2.4.

Il-KESE jqis li, fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija, inklużi, fost oħrajn, id-diffikultajiet li din ikkawżat fis-sistemi tas-saħħa, il-konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija, iż-żieda fl-inugwaljanza soċjali u l-faqar, il-problemi strutturali għall-aċċess għall-mediċini u l-vaċċini jew għall-produzzjoni tagħhom, il-validità tal-għodod diġitali, it-theddid għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll id-dipendenza ekonomika enormi, ħareġ fid-dieher li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-arkitettura tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan għandu jitqies fl-implimentazzjoni u r-riformulazzjoni tal-istrateġiji UE-OSAKP.

3.   Kummenti speċifiċi dwar il-ftehim ta’ wara Cotonou

3.1.

Fl-2015 twettqet evalwazzjoni tal-15-il sena tal-Ftehim ta’ Cotonou, li identifikat is-suċċessi u d-dgħufijiet tiegħu.

3.2.

Il-Ftehim ta’ Cotonou kellu jiskadi fi Frar 2020. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva ta’ xi wħud mis-suġġetti diskussi, kif ukoll il-pandemija, ma kienx possibbli li dan jiġi mġedded fid-data prevista, u kien biss f’April tal-2021 li l-Unjoni Ewropea u l-OSAKP inizjalaw it-test tal-ftehim mġedded ta’ sħubija, komunement imsejjaħ il-“ftehim ta’ wara Cotonou” (il-ftehim il-ġdid).

3.3.

Sabiex titqies id-diversità tal-pajjiżi firmatarji u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni speċfika f’kull reġjun, il-Ftehim il-ġdid jinkludi pedament komuni akkumpanjat minn tliet protokolli reġjonali vinkolanti (għall-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku). Minħabba l-kumplessità ta’ din l-istruttura, il-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP se jkollu jadotta approċċ aktar proattiv fil-futur.

3.4.

Il-prijoritajiet tal-Ftehim il-ġdid jirriflettu l-impenn tal-Partijiet sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u huma miġbura f’sitt oqsma: (i) id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza; (ii) il-paċi u s-sigurtà; (iii) l-iżvilupp tal-bniedem, li jinkludi s-saħħa, l-edukazzjoni, il-miżuri sanitarji, is-sigurtà tal-ikel, il-koeżjoni soċjali, il-kultura u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-impenji dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; (iv) it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli, inklużi mill-perspettiva tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika; (v) is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima; u (vi) il-migrazzjoni u l-mobilità. Dawn il-prijoritajiet huma ta’ importanza kbira għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

3.5.

Minbarra dawn il-prijoritajiet, l-indirizzar tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fl-UE u fil-pajjiżi AKP għandu jiżdied ma’ dawn il-prijoritajiet, kemm fir-rigward tar-riskji tad-dgħajfien tad-demokrazija u n-nuqqas ta’ rkupru ekonomiku u soċjali, minħabba l-prospetti fqar ta’ rkupru fl-Istati AKP, u b’riżultat ta’ dan, se jkomplu jiżdiedu l-faqar u l-inugwaljanzi.

3.6.

B’mod partikolari, il-KESE jinnota li, kif uriet il-pandemija, il-kwistjoni tal-infrastruttura kritika fil-pajjiżi AKP għadha akuta. L-iżvilupp sostenibbli huwa intrinsikament marbut ma’ infrastruttura reżiljenti, li tistimola u tappoġġja l-attività ekonomika u l-progress soċjali, u għandha rwol deċiżiv fil-kisba tal-SDGs – kemm tal-Aġenda 2030 kif ukoll tal-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana. Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għadha kundizzjoni meħtieġa għas-suċċess tiegħu, minkejja li mhux biżżejjed, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ fil-pajjiżi AKP.

3.7.

F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tal-infrastruttura tas-saħħa kritika. L-eżistenza ta’ servizzi tas-saħħa universali, aċċessibbli faċilment u ġeneralment mingħajr ħlas fl-Istati AKP hija essenzjali għall-benesseri tal-popolazzjoni u għall-iżvilupp sostenibbli. B’mod partikolari, aċċess rapidu għall-vaċċini (privattivi u kapaċità teknika għall-produzzjoni lokali) se jagħti lis-soċjetajiet tal-AKP ir-reżiljenza li jeħtieġu f’każ ta’ pandemiji li jistgħu jseħħu fil-futur. Il-KESE jinnota li din il-kwistjoni importanti mhijiex inkluża fil-Ftehim il-ġdid u jistieden lill-UE u l-OSAKP biex jikkunsidrawha meta jiġi implimentat il-ftehim.

3.8.

Il-KESE jqis li l-Ftehim il-ġdid irid iqis l-impatt tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali fil-livell Ewropew u dinji, u b’mod partikolari fid-dawl tal-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna (fosthom is-sigurtà tal-ikel, il-prezzijiet tal-enerġija u t-theddid għad-demokrazija), fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp b’mod ġenerali u fuq il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika b’mod partikolari. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni attwali se twassal għal żieda fil-kompetizzjoni għall-influwenza fl-Istati AKP, u jistieden lill-UE sabiex iżżid il-kapaċità tagħha għall-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u kulturali.

3.9.

Fir-rigward tal-mekkaniżmi uffiċjali għall-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, is-smigħ u l-konsultazzjoni strutturata tas-soċjetà ċivili (il-“mekkaniżmi istituzzjonali”), il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-pożizzjonijiet tal-Ftehim il-ġdid, b’mod partikolari meta jispeċifika li l-Partijiet għandhom: joħolqu “mekkaniżmi miftuħa u trasparenti għal konsultazzjoni strutturata mal-partijiet ikkonċernati” (2), “jistabbilixxu mekkaniżmi għal konsultazzjoni” (3); “jistabbilixxu u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u djalogu” (4); u “jipprevedu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u djalogu” (5).

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

4.1.

In-negozjati dwar disa’ FSE wasslu għad-dħul fis-seħħ ta’ seba’ ftehimiet reġjonali, konklużi ma’ 32 mid-79 pajjiż tal-AKP, li minnhom 14 jinsabu fil-Karibew, 14 fl-Afrika u 4 fil-Paċifiku. Ħamsa minn dawn is-seba’ ftehimiet qed jiġu applikati b’mod proviżorju, peress li għadhom ma ġewx ratifikati mill-membri kollha tal-UE. Iż-żewġ ftehimiet l-oħra, mal-Afrika tal-Punent u tal-Lvant, mhumiex qed jiġu applikati b’mod proviżorju minħabba dewmien fl-iffirmar u r-ratifika mill-pajjiżi Afrikani. 21 stat ieħor ikkonkludew in-negozjati tal-FSE li għad iridu jiġu implimentati.

4.2.

Il-KESE jirrimarka li l-FSE jinvolvu kemm opportunitajiet kif ukoll riskji. Huwa kruċjali li tiġi żgurata sħubija bejn partijiet ugwali li mhux biss twassal għal tkabbir ekonomiku iżda tiggarantixxi wkoll il-benesseri u l-ġustizzja soċjali. L-azzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali hija essenzjali biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

4.3.

Madankollu, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-UE u l-istati msieħba kkritikaw il-FSE.

4.4.

Din il-kritika hija dwar it-tfassil tal-FSE u l-effett ta’ limitazzjoni possibbli fuq it-tkabbir produttiv fil-pajjiżi AKP, minkejja li l-protezzjoni tal-industriji nazzjonali, bħall-industriji agroalimentari, fost l-oħrajn, saret possibbli. Il-kummerċ ħieles bejn l-UE u l-OSAKP huwa wieħed mill-vantaġġi tal-FSE, iżda f’għadd ta’ każijiet dan kellu effett negattiv li jnaqqas id-dħul doganali, b’mod partikolari, bit-tnaqqis tat-taxxi fuq il-kummerċ estern. Barra minn hekk, minħabba d-differenza fl-iżvilupp ekonomiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP, il-kummerċ ħieles jista’ jikkomprometti l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jew il-kooperattivi, li jiffurmaw il-bażi tal-ekonomija bbażata fuq il-familja, skont kif enfasizzaw bil-qawwa għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali.

4.5.

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa inkluż fil-FSE b’diversi modi. Dan jieħu forom differenti u jagħti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili livelli differenti ta’ influwenza meta jiddiskutu u jimmonitorjaw dawn il-ftehimiet. Pereżempju, il-FSE mal-Kosta tal-Avorju wassal għall-istabbiliment tal-Konvenzjoni tas-Soċjetà Ċivili Ivorjana (CSCI), li waqqfet proġett (6) għall-monitoraġġ tal-effetti tal-FSE fuq l-ekonomija bbażata fuq il-familja. Barra minn hekk, peress li l-laqgħat interni jiffukaw fuq “l-iżvilupp sostenibbli”, l-influwenza tas-soċjetà ċivili hija limitata fuq suġġetti oħra.

4.6.

Ċerti FSE jipprevedu korpi addizzjonali bħal Kumitat Parlamentari Konġunt, bħal fil-każ tal-Cariforum u l-FSE mal-Afrika tal-Punent.

4.7.

Billi l-FSE jsemmu b’mod espliċitu li huma integrati fil-prijoritajiet tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-Ftehim il-ġdid joffri lill-Partijiet firmatarji l-opportunità sabiex jippromovu l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali b’mod usa’, u aktar armonizzat u istituzzjonalizzat. Din l-opportunità għandha tiġi sfruttata bis-sħiħ, anke għaliex skont il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu li l-UE għamlet f’Settembru 2021, il-progress kien bil-mod f’dan il-qasam. L-aktar mod effettiv biex jiġu implimentati l-mekkaniżmi istituzzjonali previsti fil-FSE huwa li l-istituzzjonijiet pubbliċi jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/lill-imsieħba soċjali dwar il-proċess fil-ħin u b’mod dettaljat, u jistednuhom jipparteċipaw b’mod strutturat u jwettqu studji u proposti motivati.

5.   Kummenti speċifiċi dwar id-definizzjoni, ir-rappreżentanza, l-azzjoni u l-istituzzjonalizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali

5.1.

Il-KESE għandu l-għan li jkun id-“Dar tas-Soċjetà Ċivili Ewropea”. Il-KESE huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea, stabbilit skont l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Huwa magħmul minn 329 membru li jirrappreżentaw lil minn iħaddem (Grupp I), lill-ħaddiema (Grupp II) u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (Grupp III). Huwa l-mekkaniżmu istituzzjonali Ewropew li permezz tiegħu dawn l-interessi jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet topiċi tal-UE bħala parti minn djalogu strutturat.

5.2.

Il-KESE jirrimarka li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinkludu assoċjazzjonijiet b’firxa wiesgħa ta’ għanijiet. Huma jirrappreżentaw membri li huma rreġistrati u li jaqdu funzjoni fis-soċjetà, li tikkonsisti .fost affarijiet oħra, fit-teħid ta’ azzjonijiet favur il-benesseri tal-popolazzjonijiet, u favur il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi soċjali, ekonomiċi, kulturali u professjonali tal-popolazzjoni u/jew ta’ gruppi ta’ ċittadini, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta (viġilanza), twissijiet lill-awtoritajiet u pressjoni fuqhom, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-membri tagħhom u jiġu affermati l-valuri soċjali tagħhom.

5.3.

Ir-realtajiet ekonomiċi, soċjali u politiċi tas-soċjetà, huma fundamentali għal firxa wiesgħa u varjata ta’ organizzazzjonijiet, li jiddeterminaw is-sura tagħhom. Dan għandu jwassalna biex nevitaw li nqisuhom bħala l-attur ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli, minkejja r-rwol importanti u ta’ min ifaħħru tagħhom.

5.4.

Il-KESE jenfasizza li huwa f’dan il-kuntest ta’ realtà multidimensjonali li għandu jitqies sew il-livell għoli ta’ informalità ekonomika u soċjali li jeżisti b’mod ġenerali fl-Istati AKP u li jikkaratterizzaw u jiddeterminaw b’mod qawwi r-relazzjonijiet soċjali, organizzattivi u istituzzjonali kollha. F’dan il-kuntest, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali tipikament jiffaċċjaw sfidi sinifikanti fl-istabbiliment, l-organizzazzjoni u l-funzjonament istituzzjonali tagħhom, l-appoġġ ekonomiku, u l-attivitajiet formali. Dawn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali għandhom jirċievu appoġġ finanzjarju eċċezzjonali. Inkella ftit li xejn ikunu jistgħu jikkontribwixxu, permezz tal-parteċipazzjoni u l-interventi tagħhom, għall-iżvilupp sostenibbli, l-eżerċitar taċ-ċittadinanza u r-reżiljenza demokratika ta’ pajjiżhom.

5.5.

L-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddependi mir-rwol soċjali li huma jixtiequ jaqdu (orjentament pjuttost ċiviku jew politiku), mid-daqs rispettiv tagħhom, mill-importanza soċjali li l-membri u s-soċjetà tagħhom jagħtuhom, mill-funzjoni ta’ tmexxija li jassumu, kif ukoll mir-riżorsi li għandhom bżonn sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom u, f’dan ir-rigward, mill-kundizzjonijiet li d-donaturi jimponu fuqhom.

5.6.

B’mod ġenerali, id-dgħufijiet li jaffettwaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jwassluhom biex jikkompetu ma’ xulxin, iżda wkoll ma’ korpi pubbliċi, sabiex jiksbu l-finanzjament. Dawn id-dgħufijiet jagħmlu l-attività u l-parteċipazzjoni tagħhom f’mekkaniżmi istituzzjonali nazzjonali u/jew internazzjonali problematiċi. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu dipendenzi mis-sostenituri finanzjarji tagħhom u/jew l-awtoritajiet tal-istat.

5.7.

It-trade unions u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, imsemmija bħala msieħba soċjali, huma meqjusa bħala organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda, minħabba n-natura unika tagħhom, għandhom l-identità proprja u distinta minn dik tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-imsieħba soċjali jiżguraw ir-rappreżentanza tal-membri tagħhom u jiddefendu l-interessi tagħhom, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika, kemm quddiem l-awtoritajiet sovrani, permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ konsultazzjoni u negozjar, kif ukoll permezz tar-relazzjonijiet bejniethom, b’mod partikolari permezz tan-negozjar kollettiv u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi. L-imsieħba soċjali għandhom struttura konsistenti, jirrappreżentaw interessi ċari, għandhom lonġevità inkontestabbli, u acquis storiku rikonoxxut, li żviluppaw f’qasam ta’ azzjoni u ta’ relazzjonijiet li huma stabbiliti u definiti sew u, b’mod ġenerali, jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom.

6.   Kummenti speċifiċi dwar il-Ftehim ta’ wara Cotonou u s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali

6.1.   Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-Ftehim ta’ wara Cotonou

6.1.1.

Il-Ftehim il-ġdid, kemm fil-pedament komuni kif ukoll f’kull wieħed mit-tliet protokolli reġjonali, jipprevedi rwol attiv għas-soċjetà ċivili. Madankollu, dan ir-rwol mhuwiex formalizzat, peress li l-Ftehim iħalli f’idejn il-Partijiet firmatarji (OSAKP-UE) biex jiddefinixxu l-qafas istituzzjonali għall-parteċipazzjoni tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi istituzzjonali. Dan iqajjem il-kwistjoni kritika ta’ kif jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali jipparteċipaw kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transnazzjonali.

6.1.2.

L-inklużjoni ta’ arranġamenti organizzattivi ewlenin, bħall-kostituzzjoni legali tagħhom, ir-rappreżentanza, l-għażla tar-rappreżentanti tagħhom, u r-rekwiżiti minimi għall-frekwenza tal-laqgħat, se toħloq dinamika li se ssaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali, li huma l-partijiet ikkonċernati f’dan il-proċess.

6.1.3.

Dawn il-partijiet ikkonċernati għandhom rwol speċifiku minħabba l-interess tagħhom stess, li m’għandux jiġi konfuż mar-rwol li l-partiti politiċi għandhom fis-soċjetà. L-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali għandu jiġi promoss permezz ta’ attivitajiet speċifiċi u jmur lil hinn mid-diskussjonijiet ġenerali. Permezz tal-istudji, l-Opinjonijiet u l-proposti li jittrażmettu lill-istituzzjonijiet, dawn se jikkontribwixxu għad-dibattiti u d-deċiżjonijiet. L-eżistenza ta’ mekkaniżmi istituzzjonali li jinvolvu b’mod attiv lill-partijiet ikkonċernati fil-proċess, li jkunu ġestiti minnhom infushom u bbażati fuq regoli ta’ proċedura stabbiliti sew, li jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u l-interazzjonijiet ma’ xulxin permezz ta’ konsultazzjonijiet u djalogu strutturat, huwa l-aħjar mod kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jikkontribwixxu għall-eżistenza ta’ gvern miftuħ (7).

6.1.4.

L-aspett ta’ finanzjament huwa kwistjoni ta’ importanza ewlenija. L-aspett tal-finanzjament huwa kwistjoni ta’ importanza ewlenija. Mingħajr finanzjament adegwat, li jissodisfa kundizzjonijiet stretti u li jitwettaq bi trasparenza sħiħa, mhux se jkun possibbli li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jkunu preżenti, kemm fil-laqgħat kif ukoll, fuq kollox, matul il-ħidma ta’ riċerka preliminari applikata, li tikkonsisti fil-ġbir tad-data u t-tfassil ta’ studji u Opinjonijiet.

6.2.   Ir-realtajiet attwali tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fl-UE u fl-Istati AKP

6.2.1.   Fl-Ewropa

Fil-każ tal-Ewropa, hemm bosta eluf ta’ assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, federazzjonijiet, konfederazzjonijiet, pjattaformi u forums, fil-livell nazzjonali jew Ewropew. Dawn jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew mis-settur tan-negozju, kemm jekk intrapriżi privati jew mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar, sew mis-settur pubbliku sew mis-settur soċjali, jew mis-settur tat-trade unions, b’ċerta armonizzazzjoni fil-livell organizzattiv.

6.2.2.   Fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku

6.2.2.1.

Fl-Istati AKP, is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, politika u storika ta’ kull reġjun, sottoreġjun u stat tirriżulta f’firxa wiesgħa ta’ diversità organizzattiva bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali u, f’xi każijiet, nuqqas ta’ interazzjoni bejniethom. Hemm ħafna eżempji ta’ prattika tajba, kif ukoll ta’ għadd kbir ta’ problemi u lakuni.

6.2.2.2.

Hemm ukoll id-diffikultajiet jew saħansitra n-nuqqas totali ta’ informazzjoni ġenerali jew speċifika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/imsieħba soċjali dwar il-Ftehim il-ġdid jew il-FSE (fejn jeżistu), kif ukoll nuqqas ġenerali ta’ forums għall-parteċipazzjoni u diskussjoni strutturata mal-istituzzjonijiet pubbliċi.

6.2.2.3.

Fid-dawl ta’ din ir-realtà mħallta, dawn iż-żewġ aspetti għandhom jiġu studjati fil-prattika, sabiex jinxterdu eżempji ta’ prattika tajba u jiġu rimedjati problemi u lakuni sabiex tingħata spinta lill-istatus tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali u jissaħħaħ ir-rwol tagħhom. Permezz ta’ dan l approċċ, se jkun possibbli li jiġu appoġġjati l-mekkaniżmi istituzzjonali eżistenti u li jitħeġġeġ il ħolqien ta’ oħrajn ġodda.

6.2.3.   Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP

Fil-preżent, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jistgħu jiddependu mill-Kumitat ta’ Segwitu UE-AKP, li huwa parti mill-KESE u huwa magħmul minn 12-il membru mill-UE/KESE, u 12-il membru maħtura mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali tal-pajjiżi AKP (bħalissa hemm 8 membri mill-Afrika, 2 membri mill-Karibew u 2 membri mill-Paċifiku), li jinħatru mis-soċjetà ċivili organizzata f’kull wieħed mir-reġjuni u billi jiġi rispettat il-bilanċ bejn l-interessi differenti.

7.   Kummenti speċifiċi dwar kif għandhom jiġu promossi u appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali bħala xprunaturi tal-iżvilupp sostenibbli

7.1.

Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kbira li jiġu fformalizzati l-mekkaniżmi istituzzjonali ppjanati u jindika li dan huwa l-għan ewlieni tiegħu f’dan il-qasam.

7.2.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex, wara l-iffirmar finali tal-Ftehim il-ġdid, tieħu l-inizjattiva li tipproponi lill-OSAKP u lill-pajjiżi konċernati biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet politiċi, organizzattivi u finanzjarji meħtieġa għall-istabbiliment ta’ dawn il-mekkaniżmi istituzzjonali.

7.3.

Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-pajjiżi AKP biex jimpenjaw ruħhom ukoll fil-konfront ta’ dan il-proċess.

7.4.

Il-KESE jinnota li l-istruttura tal-Ftehim il-ġdid tipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu istituzzjonali marbut mal-fondazzjoni komuni u li jinkludi rappreżentanti tal-UE u tal-OSAKP. Fl-istess ħin, il-protokolli reġjonali jippermettu l-istabbiliment f’kull reġjun (l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) ta’ mekkaniżmu istituzzjonali li jinvolvi rappreżentanti ta’ dak ir-reġjun u tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk se jkun hemm sistema ta’ 1 + 3 mekkaniżmi istituzzjonali, li se tkopri l-Ftehim il-ġdid kollu.

7.5.

Il-KESE jinnota li l-mekkaniżmi istituzzjonali, il-kumitati konsultattivi, huma previsti wkoll fil-qafas tal-FSE, bħal fil-każ tal-ftehimiet konklużi mal-Cariforum, l-Afrika tal-Punent u l-Afrika tal-Lvant.

7.6.

Il-KESE jirrimarka b’mod partikolari li s-sett kollu ta’ mekkaniżmi istituzzjonali se jirrikjedi sforz organizzattiv u ta’ networking kbir, bħala sistema unika u strutturata, sabiex jinħolqu sinerġiji, tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu introdotti r-riżorsi u jiġi ottimizzat l-użu tagħhom, b’mod partikolari r-riżorsi finanzjarji.

7.7.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE fl-OSAKP biex jappoġġjaw proġetti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali, b’mod partikolari dawk iffokati fuq is-sensibilizzazzjoni fost il-membri u l-mexxejja tagħhom, it-taħriġ u l-awtonomizzazzjoni tagħhom, it-tisħiħ tal-kapaċità teknika tagħhom u t-tisħiħ tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi istituzzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li, filwaqt li jitqiesu l-merti rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi, fost l-applikazzjonijiet imressqa, lil dawk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali tal-pajjiżi AKP.

7.8.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi programmi li jagħmluha possibbli, meta timplimenta l-mekkaniżmi istituzzjonali, li tistudja r-realtà fil-prattika. Dan jinkludi l-opportunitajiet u d-diffikultajiet għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali u d-diversi strutturi eżistenti (pjattaformi, forums, eċċ.). L-għan huwa li jinġabru eżempji ta’ prattiki tajba (li diġà jeżistu fil-kuntest tar-relazzjonijiet UE-OSAKP) li għandhom jiġu kondiviżi. Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali mill-pajjiżi AKP ikunu atturi ewlenin f’dan l-istudju, f’termini tal-kontribut kwantitattiv u kwalitattiv tagħhom.

7.9.

Il-KESE jenfasizza li l-Kumitat ta’ Segwitu AKP-UE ser isaħħaħ l-organizzazzjoni tiegħu b’aktar riżorsi, membri u delegati sabiex ikun jista’ jikkontribwixxi aħjar għal dan il-proċess u jwettaq il-missjoni tiegħu.

7.10.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tinkludi l-finanzjament ta’ dan il-proċess fl-istrumenti finanzjarji attwali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/tal-imsieħba soċjali jeħtieġu finanzjament, peress li l-awtofinanzjament mhuwiex biżżejjed. Il-KESE jfakkar li, fid-dawl tal-kopertura ġeografika tal-Ftehim il-ġdid, il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi istituzzjonali u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali jeħtieġu mezzi finanzjarji li ma għandhomx. Anke bl-użu ta’ tekniki rigorużi ta’ kontroll tal-ġestjoni u teknoloġiji diġitali moderni, l-appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali huwa kruċjali. Il-KESE jappella bil-qawwa lill-UE, lill-OSAKP u lill Istati Membri biex jadottaw programmi ta’ appoġġ speċifiċi għall-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili/l-imsieħba soċjali, kif ukoll għat-tħaddim ta’ mekkaniżmi istituzzjonali.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, 2016, p. 7 u 8.

(2)  Il-bażi komuni tal-Ftehim, l-Artikolu 95.

(3)  Il-protokoll reġjonali għall-Afrika, l-Artikolu 5.

(4)  Il-protokoll reġjonali għall-Karibew, l-Artikolu 7.

(5)  Il-protokoll reġjonali għall-Paċifiku, l-Artikolu 7.

(6)  Appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Avorjana għall-monitoraġġ taċ-ċittadini tal-ftehim interim ta’ sħubija ekonomika fil-Kosta tal-Avorju.

(7)  Il-prinċipju kif definit mill-OECD.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-azzjoni: prijoritajiet għan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi u s-salvagwardji meħtieġa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 443/05)

Relatur:

Timo VUORI

Korelatur:

Tanja BUZEK

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

21.10.2021

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

9.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

173/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-bini ta’ aġenda trans-Atlantika pożittiva. Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti jista’ jifforma l-qalba ta’ aġenda biex terġa’ tingħata spinta lis-sħubija tagħna b’mezzi fdati ta’ kooperazzjoni. Minkejja li l-ekonomiji trans-Atlantiċi tagħna jammontaw għal madwar nofs il-PDG dinji u huma parti kbira mill-flussi tal-kummerċ u l-investiment fid-dinja, ir-relazzjonijiet tagħna għadhom jiffaċċjaw ostakli għall-kummerċ, għall-investiment, għax-xogħol, għall-ivvjaġġar u għall-istudju fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

1.2.

Nieħdu r-riedni biex nipproteġu l-valuri tagħna u l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli. Fi żminijiet ġeopolitiċi turbolenti, hemm responsabbiltà kbira għall-ekonomiji ewlenin tad-dinja, l-UE u l-Istati Uniti, flimkien ma’ msieħba oħra tal-istess fehma, biex imexxu ’l quddiem qafas modern ta’ kooperazzjoni għall-kummerċ u t-teknoloġija, li jappoġġja ekonomija miftuħa u sostenibbli, kummerċ ħieles u ġust u jirrispetta l-valuri demokratiċi, ix-xogħol deċenti u d-drittijiet tal-bniedem.

1.3.

Il-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni għat-tfixkil tas-suq. Wara għadd kbir ta’ kriżijiet li għaddejjin bħalissa, l-imsieħba trans-Atlantiċi jridu jsibu malajr modi biex isaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet demokratiċi miftuħa tagħna, inkluż billi jiżguraw il-ktajjen tal-valur u tal-provvista globali tagħna u s-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari, minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu sostitwiti l-provvisti Russi tal-enerġija u tal-materja prima. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti jridu jagħmlu sforzi akbar biex isaħħu l-multilateraliżmu u jindirizzaw l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, mal-iżgurar li l-kummerċ ħieles u ġust ma jiddgħajjifx u mat-tfixkil tas-suq minn stati awtoritarji.

1.4.

Il-bini ta’ fiduċja abbażi ta’ kooperazzjoni reċiproka u stabbli. Iż-żewġ partijiet jeħtiġilhom jimpenjaw ruħhom biex jibnu struttura ta’ djalogu permanenti għall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, sabiex jinkisbu riżultati konkreti fuq medda qasira u twila ta’ żmien, lil hinn miċ-ċikli elettorali politiċi u l-bidliet fl-amministrazzjonijiet. Barra minn hekk, skont il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jimmiraw għal approċċ aktar strateġiku u orizzontali dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u teknoloġija. L-għaxar Gruppi ta’ Ħidma taħt il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandhom ifittxu approċċ olistiku u kkoordinat b’mod effettiv għall-kooperazzjoni li ma joħloqx kompartimentalizzazzjonijiet bla bżonn.

1.5.

It-tisħiħ tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati. Sabiex jiġu evitati l-fallimenti li dehru fin-negozjati kummerċjali ambizzjużi preċedenti, it-trasparenza u l-involviment qawwi tal-partijiet ikkonċernati fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku huma l-uniku mod kif il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jilħaq il-miri tiegħu. Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) ser jimpenja ruħu b’mod attiv fl-istrutturi tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u jfittex li jkun involut bħala parti interessata unika tas-soċjetà ċivili fil-laqgħat ministerjali tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. F’dan il-kuntest, il-KESE għal darb’oħra jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-grupp ta’ esperti dwar il-ftehimiet kummerċjali ma ġġeddidx u li ma nħolqot l-ebda struttura permanenti paragunabbli għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

1.6.

Djalogu Trans-Atlantiku Speċifiku dwar ix-Xogħol. Fil-passat, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għad-Djalogi Trans-Atlantiċi għan-Negozji u għall-Konsumaturi u għalhekk jilqa’ t-tħabbira ministerjali reċenti ta’ Pariġi li jiġi stabbilit Djalogu tripartitiku dwar il-Kummerċ u x-Xogħol, li joħloq mezz formali biex l-imsieħba soċjali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jinfurmaw il-proċess tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u jsawru r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi dwar il-kummerċ u l-investiment. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE tindirizza l-iżbilanċ tad-demokrazija tax-xogħol minħabba n-nuqqas ta’ ratifika ta’ sitt Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u l-impatt tagħha fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti fil-kummerċ.

2.   Kummenti ġenerali — il-ħtieġa dejjem tikber għal sħubija eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti

2.1.

Il-KESE fid-djalogu trans-Atlantiku: il-KESE ilu snin isegwi l-kwistjonijiet politiċi u tal-kummerċ trans-Atlantiċi u abbozza l-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jżomm djalogu regolari kemm mal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u, b’mod partikolari, mas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. It-tnedija ta’ Kunsill ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, b’għaxar gruppi ta’ ħidma u seduti regolari, teħtieġ li l-KESE jaġġorna l-pożizzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija.

2.2.

Ir-responsabbiltà tal-ekonomiji ewlenin tad-dinja: il-KESE jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni bilaterali ta’ kummerċ u investiment u jgawdu l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja. Għalkemm inqabżu miċ-Ċina bħala l-akbar sors ta’ importazzjoni tal-UE għall-prodotti fl-2021, l-Istati Uniti jibqgħu bil-bosta l-akbar imsieħeb kummerċjali u ta’ investiment tal-UE. Ir-relazzjoni trans-Atlantika tiddefinixxi l-ekonomija globali, f’sistema kummerċjali multilaterali f’diffikultà affetwata mill-kriżi li laqtet lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), sentejn pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja u issa l-gwerra fl-Ukrajna. L-akbar imsieħeb kummerċjali u ta’ investiment ta’ kważi kull pajjiż ieħor fl-ekonomija globali huwa jew l-UE jew l-Istati Uniti. Is-sħubija trans-Atlantika mhijiex għan fiha nnifisha iżda għandha tibni fuq valuri, interessi u responsabbiltà komuni. L-UE u l-Istati Uniti għandhom ikunu ankra għad-demokrazija, il-paċi u-sigurtà madwar id-dinja, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd (1).

2.3.

Momentum għal sħubija eqreb u strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti: il-KESE jinnota li peress li għadd kbir mhux mistenni ta’ kriżijiet issa qed idgħajjef lid-dinja, huwa mument kritiku għall-ekonomiji ewlenin tad-dinja — l-UE u l-Istati Uniti flimkien ma’ stati demokratiċi oħra li jaħsbuha bl-istess mod b’ekonomiji tas-suq miftuħa u bbażati fuq ir-regoli — biex japprofondixxu l-kooperazzjoni politika u ekonomika tagħhom sabiex jipproteġu l-valuri universali tagħna u jsaħħu l-prosperità, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem. Minn dawn kollha, il-paċi ħarġet bħala prijorità imperattiva fit-tmexxija tal-politika internazzjonali. Fl-istess ħin, m’għandniex inkomplu nittolleraw kwalunkwe azzjonijiet statali kontra l-ordni internazzjonali jew l-opportunisti fil-kummerċ internazzjonali.

2.4.

Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u t-teknoloġija fil-ġeopolitika: il-KESE jirrepeti li l-kummerċ u t-teknoloġija ma jindirizzawx biss kwistjonijiet regolatorji iżda huma għodod essenzjali biex jipproteġu dawn il-valuri universali madwar id-dinja u jippromovuhom. L-UE u l-Istati Uniti għandhom japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom u jiksbu riżultati konkreti fil-livell multilaterali u bilaterali. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jipprovdi opportunità unika għal tali kooperazzjoni strateġika ta’ livell għoli dwar il-kummerċ u t-teknoloġija li taqbeż l-arranġamenti attwali ad hoc ta’ kooperazzjoni u li tmur lil hinn mill-elezzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti u l-bidliet istituzzjonali tal-amministrazzjonijiet.

2.5.

Pjattaforma għad-djalogu u l-kooperazzjoni: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija mhuwiex kopja tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, u lanqas m’għandu jitqies bħala tali, minkejja li jistgħu jinsiltu lezzjonijiet utli mill-fallliment ta’ dak in-negozjat. L-objettivi u l-proċeduri tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija ma jistgħux jixħtu dubju fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li l-involviment tal-partijiet ikkonċernati jrid jissaħħaħ. L-istandards tal-UE li jirriflettu l-valuri tagħna ma jistgħux jiġu ddubitati, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni li huwa ċentrali għall-approċċ tal-UE biex jiġu stabbiliti l-istandards. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni dwar l-istandards hija marbuta wkoll ma’ oqfsa legali differenti u teħtieġ analiżi fil-fond ta’ kwistjonijiet tekniċi, kif ukoll valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li kollha għandhom jitwettqu fuq bażi ta’ każ b’każ. Pereżempju, il-ftehim qafas il-ġdid dwar il-flussi tad-data juri, bi prinċipju, li l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jaħdmu lejn kunsens dwar kwistjonijiet sensittivi.

2.6.

Appoġġ b’saħħtu mill-partijiet ikkonċernati: il-KESE jinnota li l-partijiet ikkonċernati tan-negozju u tas-soċjetà ċivili, kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, diġà esprimew appoġġ ġenerali għall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u s-suġġetti identifikati taħt l-għaxar gruppi ta’ ħidma. L-imsieħba trans-Atlantiċi jidhru li qed jaraw il-valur miżjud ta’ sħubija trans-Atlantika strateġika u kooperazzjoni regolatorja eqreb. Għad hemm ostakli bla bżonn għall-kummerċ, għall-investiment u għax-xogħol. Barra minn hekk, l-imsieħba trans-Atlantiċi flimkien jistgħu jsaħħu l-kompetittività globali tagħhom fis-suq globali, li tmur id f’id mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, il-ġustizzja soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, standards għoljin tax-xogħol u standards ambjentali għoljin. Madankollu, sabiex jinkisbu r-riżultati, iż-żewġ naħat jeħtieġ li jkunu konxji tal-objettivi, l-approċċi u l-mezzi ta’ xulxin sabiex jiġi żviluppat qafas komuni ġdid għall-kummerċ.

2.7.

Involviment aħjar tal-partijiet ikkonċernati wara li fallew id-djalogi tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-Istati Uniti: il-KESE jenfasizza li djalogu msaħħaħ tas-soċjetà ċivili huwa komponent vitali fil-kuntest trans-Atlantiku, inkluż fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. Il-bżonn għal djalogu konġunt dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, ir-reżiljenza għad-diżinformazzjoni, il-libertà tal-midja, l-azzjoni klimatika, id-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tal-konsumatur, u dwar l-appoġġ għad-demokrazija huwa partikolarment importanti f’dan ir-rigward (2). Is-sħubija trans-Atlantika tista’ tagħti lok għal integrazzjoni trans-Atlantika aktar mill-qrib fl-ekonomiji tagħna, inkluż qafas komuni għall-kummerċ, it-teknoloġija u l-investimenti.

3.   Kummenti speċifiċi — prijoritajiet ewlenin għan-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi

3.1.

Il-KESE jqis li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija juri l-interkonnettività tal-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja, kif ukoll iservi bħala forum uniku għall-bini ta’ kooperazzjoni akbar dwar il-politika kummerċjali u kwistjonijiet regolatorji tas-suq fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq ċerti prijoritajiet ewlenin mill-perspettiva tan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi.

3.2.

Kummerċ multilaterali modern ibbażat fuq ir-regoli: l-UE u l-Istati Uniti jridu juru responsabbiltà konġunta u tmexxija fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u jappoġġjaw mudell multilaterali effettiv, b’politika kummerċjali progressiva li tqis l-aspetti ambjentali u soċjali (3). Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jiffaċċjaw sfidi minn prattiki li jfixklu s-suq minn ekonomiji mhux tas-suq, inkluża azzjoni inġusta u diskriminatorja relatata ma’ intrapriżi tal-istat, sussidji tal-istat, imposti u taxxi.

3.3.

It-tmexxija tar-riforma tad-WTO: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq modi kif tittejjeb is-sistema kummerċjali multilaterali tad-WTO u l-Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tagħha, minħabba r-rwol ċentrali tiegħu biex tiġi pprovduta matriċi multilaterali effettiva għal aġenda kummerċjali progressiva bi kwistjonijiet ambjentali u soċjali. L-UE u l-Istati Uniti jridu jmexxu riforma ambizzjużi tad-WTO u jippromovu aġenda moderna tad-WTO, li telimina kull tabù (jiġifieri l-aspetti soċjali tal-kummerċ) u tindirizza l-isfidi attwali u futuri relatati mas-sostenibbiltà. Biex dan isir, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jiffurmaw arranġamenti ta’ kooperazzjoni strateġika ma’ msieħba kummerċjali ewlenin dwar kwistjonijiet multilaterali prijoritarji (4).

3.4.

Xogħol deċenti fil-kummerċ internazzjonali (5): il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti biex jippromovu kooperazzjoni eqreb bejn id-WTO u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bil-għan li jippromovu xogħol deċenti u standards tax-xogħol permezz ta’ strumenti kummerċjali. L-elezzjoni reċenti ta’ diretturi ġenerali ġodda fiż-żewġ organizzazzjonijiet għandha tgħin tipprovdi impetu ġdid f’dan il-qasam. L-iżgurar tar-rispett għall-istandards internazzjonali tax-xogħol, kif stabbiliti u mmonitorjati mill-ILO, għandu jifforma parti minn dibattitu dwar ir-riforma tad-WTO immexxi mill-UE u l-Istati Uniti. Bħala eżempju pożittiv u opportunità biex tissaħħaħ din ir-rikunsiderazzjoni ambizzjuża, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Istati Uniti biex tiġi indirizzata l-problema globali tax-xogħol furzat fuq il-bastimenti tas-sajd fin-negozjati li għaddejjin bħalissa tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd (6). L-imsieħba trans-Atlantiċi għandhom ikomplu jużaw il-kooperazzjoni tagħhom biex jaħdmu lejn bażi legali aktar b’saħħitha biex id-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO jiġu inklużi fid-WTO (7). Kwistjonijiet bilaterali tax-xogħol ta’ interess komuni għandhom jinkludu approċċi komparattivi għall-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u l-infurzabbiltà effettiva tagħhom fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (8). Il-KESE ilu jappella għal approċċ ġdid ta’ infurzar sanzjonabbli għall-Kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u laqa’ l-istrumenti innovattivi ta’ infurzar fil-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada (9).

3.5.

Il-ħidma flimkien fil-fora internazzjonali: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jista’ jipprovdi forum għat-tħejjija ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar kwistjonijiet ta’ xogħol u impjiegi f’fora internazzjonali, b’mod partikolari fl-ILO u fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Din il-kooperazzjoni msaħħa għandha tinkludi l-promozzjoni u l-infurzar tad-diliġenza dovuta. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jinkoraġġixxi l-bini konġunt tal-kapaċità, b’mod partikolari sabiex jiġu promossi s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali madwar id-dinja, u sabiex jiġu żviluppati proġetti konġunti, pereżempju dwar l-għoti ta’ riżorsi għall-ispezzjoni tax-xogħol f’pajjiżi terzi. L-inklużjoni mistennija tal-Konvenzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fost l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol tal-ILO tipprovdi żona fertili għall-kooperazzjoni. Ix-xogħol furzat huwa kwistjoni ta’ tħassib komuni profond u għandholm jiġu kkoordinati l-approċċi tal-UE u tal-Istati Uniti, b’mod partikolari fir-rigward tal-importazzjoni ta’ oġġetti prodotti permezz ta’ prattiki bħal dawn fiċ-Ċina. It-tixrid ta’ forom ġodda ta’ impjieg madwar id-dinja, b’mod partikolari x-xogħol fuq il-pjattaformi, immexxi minn kumpaniji tal-Istati Uniti u tal-UE, għandu jiġi diskuss fil-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, inkluż kontribut min-naħa tax-xogħol.

3.6.

Reżiljenza u s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiżviluppa strateġiji għal reżiljenza akbar billi jiżgura s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali u li dawn jiffunzjonaw tajjeb. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jidentifikaw vulnerabbiltajiet komuni u jaħdmu flimkien, pereżempju, fil-qasam tad-disponibbiltà ta’ materja prima u prodotti kritiċi bħas-semikondutturi. L-imsieħba trans-Atlantiċi għandhom ukoll jiġbdu l-attenzjoni immedjata għal approċċ standardizzat għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija li jkun allinjat bis-sħiħ ma’ aġenda ambizzjuża tas-sostenibbiltà bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Barra minn hekk, għandhom jikkunsidraw azzjoni komuni biex itejbu l-kapaċità tal-produzzjoni, l-investimenti u l-loġistika rilevanti. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jaħdem għal diliġenza dovuta obbligatorja komuni fil-ktajjen tal-provvista, abbażi tal-aħjar prattika, sabiex jiġi stabbilit mudell għal rekwiżiti ta’ sostenibbiltà globali fil-ktajjen tal-valur.

3.7.

L-appoġġ tal-ekonomija ekoloġika: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni dwar it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-klima, u l-politiki dwar it-tranżizzjoni ġusta. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jippromovu qafas u standards internazzjonali għall-mitigazzjoni tal-klima, l-ekonomija ċirkolari, il-finanzi sostenibbli, it-teknoloġija tal-iffrankar tal-enerġija, l-istandards ekoloġiċi u soċjali fl-akkwist pubbliku, l-ekotikkettar u r-rappurtar dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-imsieħba trans-Atlantiċi għandhom jaħdmu għal qafas multilaterali dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti ambjentali taħt l-inizjattivi attwali, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, id-Diskussjonijiet Strutturati għall-Kummerċ u s-Sostenibbiltà Ambjentali u d-Djalogu Informali dwar it-Tniġġis tal-Plastik. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq Mekkaniżmi effettivi u kkoordinati ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) sabiex jiġi stabbilit mudell għal qafas globali u biex jiġu evitati kunflitti kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti.

3.8.

Id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomiji l-ġodda: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni dwar l-istandards tat-teknoloġija, ir-riċerka u l-politiki fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA), l-Internet tal-Oġġetti, is-6G, il-batteriji, it-teknoloġiji kwantistiċi u t-teknoloġiji tal-blockchain. Il-qafas għandu jrawwem l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni iżda jrid jinkorpora kunsiderazzjonijiet ta’ politika sottostanti vitali. Oqsma teknoloġiċi ġodda bħall-IA spiss ikollhom ukoll dimensjoni tal-post tax-xogħol li tirrikjedi strateġiji robusti tal-IA u tad-data, li l-ewwel jipprovdu qafas Ewropew legali u ta’ għoti tas-setgħa bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jinkludi regoli etiċi, drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions. Filwaqt li mhuwiex possibbli li jkun hemm eżattament l-istess regoli fuq iż-żewġ naħat, l-interoperabbiltà tal-oqfsa għandha tkun għan. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ċċarati r-rekwiżiti regolatorji komuni għal teknoloġiji newtrali għall-klima, il-bijoteknoloġija u t-teknoloġija tas-saħħa. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jippromovu prinċipji bbażati fuq il-valuri għall-istandards internazzjonali sabiex tinżamm it-tmexxija globali f’dawn l-ekonomiji l-ġodda. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tas-soċjetajiet demokratiċi tagħna, bil-ħsieb li jiġu evitati kampanji mmirati ta’ diżinformazzjoni mmexxija mill-IA, u permezz ta’ sigurtà aħjar tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) biex jiġu miġġielda l-attakki ċibernetiċi appoġġjati mill-Istat.

3.9.

Id-data u l-privatezza: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni biex jiżgura li fil-futur il-kondiviżjoni tat-teknoloġija diġitali u tad-data bejn l-Istati Uniti u l-UE se tippermetti ekosistema internazzjonali miftuħa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-aktar teknoloġija avvanzata biex taqdi lill-klijenti u liċ-ċittadini globalment, filwaqt li tipproteġi d-dritt fundamentali tagħhom għall-privatezza tad-data u tippreserva l-ispazju ta’ politika għall-aċċess u l-kontroll tad-data pubblika u l-kapaċità li tirregola l-kumpaniji multinazzjonali diġitali. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkonkludu malajr qafas ġdid għat-trasferimenti tad-data, filwaqt li jindirizzaw il-problemi li wasslu għall-invalidazzjoni tal-Ħarsien tal-Privatezza, u jirrispettaw valuri komuni kondiviżi ta’ privatezza u sigurtà.

3.10.

Il-kontrolli tal-esportazzjonijiet: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jaħdem fuq teknoloġiji emerġenti u fundamentali li jiżguraw ir-rwol ewlieni ta’ reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni minħabba li dawn huma rilevanti ħafna kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti sabiex jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u soċjetà miftuħa b’ekonomija tas-suq. Pereżempju, sanzjonijiet kummerċjali effettivi jeħtieġu kontroll effettiv tal-esportazzjoni kontra Stati li qed jużaw ħażin il-kummerċ u t-teknoloġija u qed ikunu ta' theddida għall-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex jibnu alleanzi ma’ msieħba tal-istess fehma biex jindirizzaw l-isfidi u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

3.11.

L-istandardizzazzjoni: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ standardizzazzjoni, kif ukoll fuq il-prinċipji limitati ta’ aċċettazzjoni reċiproka. Is-sistemi ta' standardizzazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti huma differenti minn xulxin. B'mod partikolari, il-prinċipju ta' “prodott wieħed, standard wieħed, aċċettat kullimkien” li jirrappreżenta pilastru tas-suq uniku tal-UE ma jeżistix fl-Istati Uniti. Fl-Ewropa, meta jiġi adottat standard ġdid, l-istandards nazzjonali konfliġġenti jiġu rtirati; fl-Istati Uniti, standards differenti jeżistu flimkien fis-suq li jagħmilha diffiċli għall-SMEs biex jifhmu liema wieħed ikun l-aħjar għal-linji ta’ prodotti tagħhom. Ħafna drabi dawn huma kumpaniji żgħar b’riżorsi limitati iżda b’livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni f’suq niċċa li huwa l-bażi tal-kompetittività tagħhom.

3.12.

L-SMEs: il-kooperazzjoni regolatorja taħt il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jista’ jkollha rwol importanti biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment, kif ukoll biex tittejjeb il-kompetittività ta’ ditti żgħar b’mod partikolari. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari, jistennew li jinfetħu opportunitajiet ġodda, peress li m’għandhomx ir-riżorsi biex joperaw f’ambjenti regolatorji differenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, għall-kuntrarju ta’ ditti kbar. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-kompatibilità tar-reġimi ta’ regolamentazzjoni toħloq opportunitajiet għal intrapriżi kbar biex jieħdu vantaġġ minn ekonomiji ta’ skala bejn l-UE u l-Istati Uniti (10).

3.13.

L-ikel u l-agrikoltura: fil-fehma tal-KESE huwa importanti li minbarra l-ħidma tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-UE u l-Istati Uniti waqqfu pjattaforma ġdida ta’ kollaborazzjoni trans-Atlantika dwar l-agrikoltura, imfassla biex tilqa’ l-isfidi globali tas-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-ikel. Il-kollaborazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u titrawwem is-sostenibbiltà hija ta’ importanza kbira biex jittaffa l-futur iebes u diffiċli li qed jistenniena bħala soċjetà globali. Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt immedjat tagħha fuq il-provvista globali tal-ikel żiedu ma’ din l-isfida. It-tibdil fil-klima diġà qed jaffettwa l-għajxien tal-bdiewa b’mod profond, minn volatilità estrema tat-temp għal nixfa severa, minn għargħar għal nirien fil-foresti, u avvenimenti katastrofiċi oħra li jheddu lill-bliet, il-komunitajiet u l-bliet tagħna. L-UE u l-Istati Uniti jridu jilqgħu l-isfida.

3.14.

Il-konsumaturi: huwa importanti li l-ħidma tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija tinkludi l-ħolqien ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li l-proċess ta’ kooperazzjoni regolatorja ma jintużax biex jimmina l-istandards soċjali, tax-xogħol, tal-konsumatur u ambjentali. Pjuttost għandu jkollu l-għan li jarmonizzahom u li jtejjibhom. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-benefiċċji ser ikunu mhux biss ekonomiċi iżda jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-ħidma tar-regolaturi sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni trans-Atlantika tista’ tiġi żviluppata permezz ta’ analiżi kondiviża, sistemi ta’ twissija bikrija kontra prodotti u servizzi perikolużi minn pajjiżi terzi u djalogu dwar infurzar aħjar tal-liġijiet. Bi tranżizzjoni lil hinn minn konverġenza obbligatorja, formalment segwita minn TTIP, l-UE u l-Istati Uniti jridu jagħmlu din l-aġenda ta’ kooperazzjoni sew biex jgħinu liċ-ċittadini tagħhom jiffaċċjaw l-isfidi l-ġodda ta’ dan iż-żmien kritiku.

4.   Nindirizzaw it-tħassib u s-salvagwardji meħtieġa

4.1.

Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jippreżenta l-aħjar opportunità biex jintwera li l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jieħdu passi konkreti lejn kooperazzjoni ġenwina dwar il-kummerċ u t-teknoloġija u juru li r-relazzjoni tagħhom hija bbażata fuq sħubija sinifikanti. Madankollu, hemm ċerti kwistjonijiet kritiċi li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jeħtieġlu jindirizza biex jikseb suċċess:

impenn strateġiku b’saħħtu mit-tmexxija kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti;

viżjoni kondiviża ċara għall-objettivi u l-proċessi tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija;

il-ħtieġa li jinħoloq valur miżjud permezz tal-kooperazzjoni, billi jinkisbu riżultati pożittivi u konkreti;

il-ħtieġa li jitnedew ftit sforzi mfassla biex jiġu żviluppati approċċi konġunti lejn standards konġunti;

il-ħtieġa li jiġi stabbilit proċess ċar dwar is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet tekniċi dettaljati;

il-bini ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ sensibilizzazzjoni għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti;

il-bini ta’ proċess attiv u strutturat ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati man-negozji, it-trade unions u partijiet ikkonċernati oħra tas-soċjetà ċivili;

il-bini ta’ koordinazzjoni fluwida, konsistenza u approċċ olistiku għall-proċess kollu ta’ ħidma; il-bini fuq it-tagħlimiet meħuda min-negozjati tat-TTIP u attivitajiet bilaterali preċedenti dwar il-proċess, it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni pubblika;

ir-responsabbiltà tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex takkumpanja dan il-proċess b’mod infurmat.

4.2.

Is-salvagwardja tal-livelli għoljin ta’ interessi pubbliċi tal-UE fil-kooperazzjoni regolatorja trans-Atlantika minn dejjem kienet fundamentali għall-KESE. Il-Kumitat jafferma mill-ġdid bil-qawwa li s-salvagwardja ta’ standards għoljin eżistenti hija rekwiżit fundamentali. Minbarra l-għan li jissaħħu l-opportunitajiet kummerċjali, il-kooperazzjoni regolatorja għandha ttejjeb ukoll is-sikurezza, is-saħħa u l-benesseri ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-KESE jappella għal aktar assigurazzjonijiet li, pereżempju, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel mhux ser tiġi mibdula u li l-UE ser iżżomm ir-restrizzjonijiet tagħha fuq l-ormoni jew il-promoturi ta’ tkabbir u l-organiżmi ġenetikament modifikati (11).

4.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE tindirizza, fil-qafas tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-iżbilanċ tad-demokrazija tax-xogħol u l-impatt tiegħu fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti fil-kummerċ. Il-KESE jirrepeti li l-Istati Uniti rratifikaw biss tnejn mit-tmien konvenzjonijiet ewlenin tax-xogħol tal-ILO, u naqsu milli jirratifikaw b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet abilitanti ewlenin Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u Nru 98 dwar id-Dritt ta’ Negozjar Kollettiv (12).

5.   Involviment sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati wara l-lezzjonijiet tal-proċess tat-TTIP

5.1.

Il-KESE jenfasizza li l-proċess tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jkun trasparenti, responsabbli u jinvolvi gruppi ta’ interess pubbliku b’mod sinifikanti. Dan għandu jimxi id f’id ma’ politika ta’ komunikazzjoni mtejba u attiva dwar in-natura tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. L-aktar importanti, l-aġenda ta’ kooperazzjoni trid tibqa’ pjattaforma biex tinforma u tiskambja prattiki tajbin, mhux għodda awtomatika biex tinfluwenza l-proċessi leġiżlattivi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ xulxin jew tiskoraġġixxi lil xulxin milli jtejbu l-protezzjonijiet.

5.2.

Il-partijiet ikkonċernati interessati jeħtieġ li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-għaxar gruppi ta’ ħidma kollha biex jiġi evitat approċċ ikkompartamentalizzat. Filwaqt li l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-isfidi tal-kummerċ globali huwa ta’ natura aktar trasversali u jipprovdi l-forum ewlieni għad-diskussjonijiet dwar ix-xogħol, hemm tħassib relatat fi ħdan il-mandat ta’ għadd ta’ gruppi ta’ ħidma oħra, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-katina tal-provvista, l-IA u teknoloġiji emerġenti oħra, u l-protezzjoni tad-data.

5.3.

Il-KESE jqis li l-protezzjoni u l-benesseri tal-konsumatur huma objettivi ġenerali ta’ din il-kooperazzjoni. Djalogi differenti tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jridu jkunu trasparenti għall-partijiet ikkonċernati. Ir-regolaturi rilevanti u l-ispeċjalisti tas-settur irid ikollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni regolatorja.

5.4.

Lil hinn minn laqgħat ta’ djalogu mmirati tas-soċjetà ċivili, għandhom jiġu ppjanati laqgħat preparatorji tal-partijiet ikkonċernati u laqgħat ta’ informazzjoni qabel u wara kull laqgħa tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija Il-Grupp Konsultattiv preċedenti dwar it-TTIP stabbilit mid-DĠ Kummerċ ipprovda eżempju siewi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, li l-KESE kellu jiġi inkluż fiha. Kien ukoll forum fejn l-organizzazzjonijiet membri setgħu jifhmu aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-kummerċ għall-interessi differenti li rrappreżentaw l-oħrajn. Ikkontribwixxa biex jinbnew rabtiet bejn l-organizzazzjonijiet differenti.

5.5.

F’dan il-kuntest, il-KESE għal darb’oħra jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-grupp ta’ esperti dwar il-ftehimiet kummerċjali ma ġġeddidx. Dan kien pass pożittiv ħafna fl-istrateġija tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-impenn mas-soċjetà ċivili dwar il-politika kummerċjali u biex tiżdied it-trasparenza. Kienet ukoll il-kontinwità loġika tal-Grupp Konsultattiv dwar it-TTIP.

5.6.

Fil-passat, il-KESE appoġġja d-Djalogi Trans-Atlantiċi għan-Negozju u l-Konsumaturi u appella li jiġi rikonoxxut Djalogu trans-Atlantiku ekwivalenti dwar ix-Xogħol.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 56.

(2)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 56.

(3)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 56.

(4)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 73.

(5)  Il-KESE pprovda rakkomandazzjonijiet konkreti fil-ĠU C 429, 11.12.2020, p. 197; SOC/727: Xogħol deċenti madwar id-dinja, relatur: Maria del Carmen Barrera Chamorro, adottata f’Settembru 2022.

(6)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 73.

(7)  Il-modi possibbli biex isir progress huwa li titqies dikjarazzjoni interpretattiva skont l-Artikolu IX:2 tal-Ftehim tad-WTO, fejn tiġi affermata interpretazzjoni tal-eċċezzjoni “morali pubblika” (l-Artikolu XX tal-GATT 1994 u l-Artikolu XIV tal-GATS), biex jiġu inklużi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO u jiġi deskritt ir-rwol possibbli tad-determinazzjonijiet tal-ILO fi kwalunkwe proċediment legali dwar il-kwistjoni.

(8)  Eżempju tajjeb fuq xiex tista’ tinbena bażi hija Comparative Analysis of Trade and Sustainable Development Provisions in Free Trade Agreements (Analiżi Komparattiva tad-Dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles), ikkummissjonat mill-UE, LSE, Frar 2022, b’mod partikolari fir-rigward tal-Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada (USMCA), https://www.lse.ac.uk/business/consulting/assets/documents/TSD-Final-Report-Feb-2022.pdf

(9)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 40.

(10)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 30.

(11)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 30.

(12)  C29 dwar ix-Xogħol Furzat, C100 dwar ir-Remunerazzjoni Ugwali, C111 dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol) u C138 dwar l-Età Minima, jikkompletaw il-lista ta’ Konvenzjonijiet Ewlenin tax-Xogħol mhux ratifikati.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika dwar iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, bħala parti mill-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 443/06)

Relatur:

Ionuţ SIBIAN

Korelatur:

Andrej ZORKO

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

9.6.2022

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

165/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Filwaqt li jirrikonoxxi l-progress li sar fl-iżvilupp ta’ oqfsa sodi ta’ politika taż-żgħażagħ, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE jistieden lill-Gvernijiet tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent biex jinvestu aktar f’politiki taż-żgħażagħ ibbażati fuq l-evidenza li jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ. Sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli b’suċċess fil-komunitajiet lokali, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-iżviluppi istituzzjonali, tal-programmi u tal-politika jkunu bbażati fuq il-perspettiva taż-żgħażagħ dwar l-iżvilupp uman. Barra minn hekk, il-KESE huwa konvint li allokazzjonijiet baġitarji suffiċjenti u trasparenti għall-iżvilupp tal-politika taż-żgħażagħ huma prerekwiżit biex jiġu ffaċilitati bidliet pożittivi, u biex tittejjeb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ.

1.2

Il-KESE jistieden lill-gvernijiet nazzjonali tal-Balkani tal-Punent biex isegwu d-dokumenti ewlenin dwar il-politika taż-żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea (UE), biex jiżviluppaw aktar il-politiki nazzjonali dwar iż-żgħażagħ u biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-politiki.

1.3

Il-KESE jemmen li data ta’ kwalità għolja u sensittiva għaż-żgħażagħ miġbura b’mod sistematiku hija prerekwiżit għal politiki informati u miżuri ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ, speċjalment gruppi vulnerabbli ta’ żgħażagħ. B’mod partikolari, jeħtieġ li tittejjeb b’mod sinifikanti s-sistema għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data relatata mad-dimensjoni soċjali tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ (1).

1.4

Biex jiġu indirizzati l-ġlieda kontra l-faqar u t-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex issir riforma usa’ li ttejjeb id-drittijiet soċjali u l-prospetti taż-żgħażagħ. L-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra għandu jkollhom rwol akbar fid-djalogu dwar ir-riformi soċjali u ekonomiċi. L-appoġġ dirett mill-UE għandu jiżgura li jitqiesu l-fehmiet tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.5

Il-KESE jappella għat-tisħiħ tal-programmi u l-istrutturi reġjonali tal-UE, bil-għan li jintlaħqu aktar żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent billi jingħataw l-opportunitajiet għall-edukazzjoni, il-mobilità, il-volontarjat u l-impjieg.

1.6

Il-KESE jappella għal enfasi akbar fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, permezz ta’ kombinazzjoni tal-iskemi ta’ apprendistat mat-tagħlim akkademiku fil-livell sekondarju u dak terzjarju. Il-Kumitat jemmen li għandha tissaħħaħ il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-komunità tan-negozju, u għandha ssir enfasi akbar fuq il-kompetenzi milli fuq il-kwalifiki.

1.7

Il-KESE jilqa’ l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, li jappella għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment taż-żgħażagħ u n-nisa, il-gruppi żvantaġġati u l-minoranzi, b’mod partikolari r-Rom. L-implimentazzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għandha timmassimizza l-benefiċċju għaż-żgħażagħ.

1.8

Il-KESE jitlob li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent tiġi implimentata abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa (2).

1.9

Sabiex tiġi implimentata Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, il-KESE jitlob li jiżdiedu l-kapaċitajiet tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) u l-persunal tagħhom fil-pajjiżi tar-reġjun.

1.10

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejn id-diversi msieħba biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet fil-livelli kollha tal-gvern, bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-partijiet interessati rilevanti, bħall-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.

1.11

Il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni kif ukoll jingħata appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali u għall-iżvilupp tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv sabiex jittaffew il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi. Il-KESE jistieden ukoll lill-imsieħba soċjali tal-Balkani tal-Punent, fil-livell nazzjonali u settorjali, biex jinvolvu b’mod attiv liż-żgħażagħ fl-attivitajiet kollha tagħhom, inkluż in-negozjar kollettiv.

1.12

B’kunsiderazzjoni tal-possibbiltajiet tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ proklamata għall-2022, il-KESE jinsab konvint li l-indirizzar tal-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ u t-tqarrib tal-Ewropa lejn iż-żgħażagħ għandhom ikunu approċċ li jkunx mhux limitat biss għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-UE; dan għandu japplika wkoll għaż-żgħażagħ mill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent.

1.13

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-imsieħba tagħna mill-Balkani tal-Punent, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, biex jintroduċu għodda għall-valutazzjoni tal-impatt taż-żgħażagħ, l-hekk imsejħa Test taż-Żgħażagħ. Dan it-Test taż-Żgħażagħ jiżgura li ż-żgħażagħ jiġu kkunsidrati matul il-proċessi tat-tfassil tal-politika, jippermetti li jinħolqu politiki mmirati aħjar u li tiġi identifikata kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni meħtieġa biex jiġi evitat impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ.

1.14

Il-KESE jemmen li huma meħtieġa sforzi mill-Gvernijiet tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent biex il-kooperazzjoni reġjonali tiġi stabbilita bħala prijorità politika. Fl-appoġġ għal din it-trasformazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali bħala politika ta’ prijorità, l-UE għandha tappoġġja lill-Balkani tal-Punent fl-identifikazzjoni ta’ oqsma u possibbiltajiet li jistgħu jrawmu bidliet għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, speċjalment għaż-żgħażagħ.

1.15

Il-Konklużjonijiet tas-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2021 f’Berlin dwar il-Proċess ta’ Berlin (3) jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħu l-organizzazzjonijiet u n-networks taż-żgħażagħ. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli teżamina modi kif tappoġġja l-istrutturi rilevanti taż-żgħażagħ eż. il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet umbrella taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, fuq livell reġjonali, li jippermetti djalogu reġjonali dwar il-politika taż-żgħażagħ.

1.16

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jissaħħu l-edukazzjoni u r-rappreżentanza politika taż-żgħażagħ, kemm permezz tal-politika ġenerali kif ukoll permezz tal-istrutturi taż-żgħażagħ, pereżempju l-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, il-kunsilli lokali jew muniċipali. Il-KESE għalhekk jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jappoġġjaw aktar lill-Balkani tal-Punent fit-titjib tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

1.17

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent tipprevedi aktar azzjonijiet li jappoġġjaw l-involviment tagħhom fil-programmi kollha tal-UE li jkopru r-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. Meta jitqiesu l-korrelazzjoni pożittiva tal-mobbiltà edukattiva jew tat-taħriġ mal-involviment ċiviku u politiku taż-żgħażagħ, aktar sforzi f’dan ir-rigward jistgħu jwasslu għall-progress fil-parteċipazzjoni u l-involviment taż-żgħażagħ.

1.18

Il-KESE jtenni l-importanza taż-żgħażagħ għall-futur tal-Balkani tal-Punent u għalhekk l-importanza li jittieħdu miżuri konkreti biex ir-reġjun jinbidel f’post bi prospetti u opportunitajiet futuri għaż-żgħażagħ, li jippermettulhom jibqgħu fil-post fejn jgħixu u jirnexxu (4). L-involviment f’waqtu taż-żgħażagħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ bidliet soċjali u politiċi huwa importanti ferm.

2.   Introduzzjoni

2.1

Skont il-Eurostat (5), il-popolazzjoni kollha taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent hija ta’ madwar 3,6 miljun, li jirrappreżentaw madwar 21 % tal-popolazzjoni totali. Il-Kosovo (*1) għandu l-ogħla sehem ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni totali (26,29 %), segwit mill-Albanija (23,4 %), il-Bożnija-Ħerzegovina (20,37 %) u l-Maċedonja ta’ Fuq (20,32 %), il-Montenegro (19,49 %) u s-Serbja (16,8 %). Il-proporzjon ta’ rġiel u nisa fil-popolazzjoni taż-żgħażagħ huwa simili fl-imsieħba kollha tal-Balkani tal-Punent, fejn il-popolazzjoni taż-żgħażagħ irġiel hija kemxejn akbar – 51,16 % tal-popolazzjoni taż-żgħażagħ huma rġiel u 48,84 % huma nisa fil-Balkani tal-Punent (6).

2.2

L-imsieħba tal-Balkani tal-Punent għamlu progress konsiderevoli f’termini ta’ aktar twaqqif u konsolidazzjoni tal-qafas tal-politika taż-żgħażagħ tagħhom, billi adottaw liġijiet, strateġiji u pjani ta’ azzjoni rilevanti. Madankollu, għad trid tiġi żviluppata sistema taż-żgħażagħ kompletament funzjonali li tiżgura l-awtonomizzazzjoni, l-involviment u l-parteċipazzjoni effettivi taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Hemm diversi dgħufijiet li jvarjaw minn kwistjonijiet politiċi aktar ġenerali u nuqqas ta’ rieda biex il-qasam taż-żgħażagħ jingħata prijorità bħala politika interistituzzjonali u transsettorjali, għal tipi speċifiċi ħafna ta’ diffikultajiet fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sistematiċi tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ, il-ġbir tad-data, u l-pubblikazzjoni (7).

2.3

Bil-għan li jiġi promoss il-benesseri taż-żgħażagħ, jeħtieġ tingħata attenzjoni wkoll lir-rispett tad-drittijiet tat-tfal. L-azzjonijiet ta’ politika sostenibbli f’dan ir-rigward jagħtu spinta lill-benesseri tat-tfal u jkomplu jappoġġjaw it-tranżizzjoni ta’ kwalità lejn l-adolexxenza u l-età adulta żagħżugħa.

3.   L-iżvilupp tal-kapital uman

3.1

Il-livell u r-rilevanza tal-edukazzjoni huma essenzjali għall-prospetti ta’ impjieg taż-żgħażagħ, l-iżvilupp tal-karriera u l-inklużjoni soċjali tagħhom fir-reġjun. Madankollu, is-sistemi edukattivi għadhom jiżvelaw nuqqasijiet fir-rigward tas-servizzi li jingħataw lill-istudenti kollha u l-għoti ta’ ħiliet rilevanti lill-gradwati żgħażagħ. Rabtiet insuffiċjenti jew ineffiċjenti ma’ oqsma oħra ta’ politika bħall-impjieg, l-ekonomija, is-servizzi soċjali u l-protezzjoni soċjali jħallu ħafna tfal u żgħażagħ f’riskju li jitilqu kmieni mill-iskola, esklużjoni soċjali u faqar (8).

3.2

Sabiex tinbena ekonomija dinamika, jeħtieġ li l-Balkani tal-Punent jinvestu fl-għarfien u fl-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ. Ir-riformi fis-sistema edukattiva huma kruċjali biex jintlaħaq progress fl-isforzi għall-iżvilupp (9). Il-Balkani tal-Punent għad iridu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom u jiżguraw li ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet fundamentali, u jeħtieġ li jnaqqsu d-distakk fil-prestazzjoni mal-UE.

3.3

L-emigrazzjoni mill-Balkani tal-Punent ilha problema persistenti kkawżata minn kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali, li jheddu l-prospetti ta’ żvilupp tar-reġjun. L-emigrazzjoni x’aktarx li se tkompli fil-biċċa l-kbira tar-reġjun għall-futur prevedibbli, iżda dan m’għandux ifixkel l-adozzjoni ta’ politiki adegwati biex iż-żgħażagħ jinżammu fir-reġjun. In-nies jagħżlu li jitilqu għal diversi raġunijiet, iżda dawn spiss ikunu marbutin mad-diffikultajiet biex tinkiseb kwalità ta’ ħajja għolja għalihom u għall-familji tagħhom jekk jibqgħu fir-reġjun. L-eżodu ta’ mħuħ qed inaqqas il-kapital uman tar-reġjuni, li huwa meħtieġ għat-tkabbir ekonomiku, u l-infrastruttura soċjali eżistenti mhux qed jirnexxielha ttejjeb il-kapital uman ta’ dawk li jibqgħu fuq il-post. Għandhom jittieħdu wkoll miżuri adatti fil-livell nazzjonali biex l-“eżodu ta’ mħuħ” jinbidel għal “ċirkolazzjoni tal-imħuħ”.

3.4

Il-fluss ’il barra tan-nies jibqa’ ta’ tħassib ċentrali għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, peress li jħalli impatt fuq il-prospetti ekonomiċi, soċjali u politiċi ta’ reġjun li għadu lura ekonomikament meta mqabbel mal-UE. L-għadd totali ta’ persuni li telqu mir-reġjun huwa diffiċli li jiġi stmat b’mod preċiż. Id-data turi (10) li n-nies qed ikomplu jitilqu mir-reġjun. Bejn l-2012 u l-2018, bħala medja, kull sena, telqu 155 000 persuna mir-reġjun lejn pajjiż tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); fl-2018 biss, dak in-numru kien ta’ 175 000 persuna (11).

3.5

Minbarra prospetti ekonomiċi aħjar barra mill-pajjiż, l-istudji enfasizzaw ukoll ir-rwol importanti li jaqdu l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ kwalità u affidabbli bħala fattur li jimmotiva l-emigrazzjoni. Analiżi tal-FMI (12) (2016) uriet li, filwaqt li t-tipi kollha ta’ migranti jfittxu opportunitajiet ekonomiċi aħjar barra mill-pajjiż, individwi b’livell ogħla ta’ ħiliet kienu motivati wkoll li jiċċaqilqu minħabba l-kwalità tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom (il-korruzzjoni u n-nepotiżmu biex jinkiseb impjieg), u individwi b’livell baxx ta’ ħiliet inġibdu wkoll lejn is-sistemi ta’ benefiċċji soċjali akbar u aktar affidabbli barra mill-pajjiż (13). Livell għoli ta’ korruzzjoni fir-reġjun huwa fattur determinanti ewlieni tal-flussi ’l barra ta’ migranti, li huwa aggravat mill-fatt li 63 % tal-individwi fir-reġjun ma jafdawx il-ġudikatura jew il-fergħat leġiżlattivi (14).

3.6

Iż-żgħażagħ fir-reġjun għandhom xewqa qawwija li jmorru jgħixu barra minn pajjiżhom biex jiksbu opportunitajiet aħjar, u b’hekk jikkontribwixxu għal proporzjon żbilanċjat ħafna ta’ żgħażagħ fin-numru totali ta’ emigranti. Pereżempju, fil-Bożnija-Ħerzegovina, fil-Maċedonja ta’ Fuq u fl-Albanija, aktar minn 50 % taż-żgħażagħ jixtiequ jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom għal perjodu itwal minn 20 sena, u dan jindika telf fit-tul potenzjalment sinifikanti għall-futur demografiku u ekonomiku tar-reġjun (15). Il-livell għoli ta’ migrazzjoni taż-żgħażagħ mill-Balkani tal-Punent joriġina, b’mod partikolari, min-nuqqas ta’ kapaċità taż-żgħażagħ biex jaċċessaw edukazzjoni ta’ kwalità (u l-opportunitajiet ekonomiċi limitati ladarba tinkiseb lawrja), li jġiegħlu lil ħafna jfittxu opportunitajiet ta’ edukazzjoni barra mill-pajjiż. Fl-2018, 6 % tal-istudenti ta’ età universitarja fir-reġjun wettqu l-istudji tagħhom f’pajjiż barrani (il-medja tal-UE kienet ta’ 3 %).

3.7

L-infrastruttura soċjali tal-Balkani tal-Punent ma tappoġġjax biżżejjed il-kapaċità tar-reġjun biex jiżviluppa u jżomm bażi ta’ kapital uman robusta, b’mod partikolari fil-kuntest tal-flussi ’l barra ta’ kapital uman minħabba l-eżodu ta’ mħuħ. Il-biċċa l-kbira tas-setturi tal-edukazzjoni tal-pajjiżi jiffaċċjaw nuqqas ta’ finanzjament u riżorsi li jirriżultaw f’aċċess u eżiti subottimali għall-edukazzjoni. Riżultati insuffiċjenti fl-edukazzjoni, min-naħa tagħhom, ma jipprovdux il-ħiliet meħtieġa li l-ġenerazzjonijiet futuri jeħtieġu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-negozji eżistenti u biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda.

3.8

L-isfruttar tal-valur tal-kapital uman huwa essenzjali biex tiżdied il-kompetittività u jiġi indirizzat il-qgħad. Il-forza tax-xogħol tal-lum jeħtieġ li tkun mgħammra b’firxa ta’ ħiliet trasferibbli, kapaċità ta’ adattament, u attitudni intraprenditorjali, filwaqt li tiġi żgurata sigurtà soċjali adegwata.

3.9

Is-sistemi edukattivi u l-kurrikuli attwali jeħtieġ li jirriformaw u jsaħħu l-impjegabbiltà fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ billi jippromovu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), l-edukazzjoni diġitali u s-suġġetti tal-intraprenditorija.

3.10

Il-kapaċitajiet intraprenditorjali taż-żgħażagħ għandhom jitħeġġu u jiġu promossi. Dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jiżguraw ambjent favorevoli għaż-żgħażagħ biex jibdew in-negozju tagħhom stess u jsiru intraprendituri u jappoġġjaw u jipprovdu aċċess aktar faċli għall-finanzjament għal negozji ġodda.

3.11

Fid-dinja tal-lum li qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-mudelli ġodda ta’ negozju, il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni, u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda għat-tranżizzjoni ekoloġika huma essenzjali. Għal dak il-għan huwa importanti li jiżdied l-għadd ta’ żgħażagħ, b’mod partikolari nisa żgħażagħ, b’kapaċitajiet ta’ STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u ħiliet diġitali.

3.12

It-tranżizzjoni ekoloġika qed tittrasforma l-impjiegi eżistenti, teqred xi wħud minnhom, u toħloq impjiegi ġodda li jeħtieġu ħiliet ekoloġiċi ġodda. Jeħtieġ li s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tadatta għaż-żieda fid-domanda għal ħiliet ġodda. Il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu allinjati mal-ħtiġijiet tan-negozju li qed jevolvu u mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika/diġitali.

4.   L-isfidi għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent

4.1

L-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-politika tal-impjieg taż-żgħażagħ fir-reġjun huma: il-koordinazzjoni tal-partijiet interessati f’livelli differenti tal-gvern u f’oqsma ta’ politika differenti (l-impjieg, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa); dgħufijiet fil-kwalità tas-sistemi edukattivi u nuqqasijiet fit-tagħlim tal-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol; ineffiċjenzi fil-proċess tat-tfittix ta’ impjieg li jwasslu għal spariġġ fil-ħiliet u għal tranżizzjonijiet twal mill-iskola u l-università għax-xogħol; il-prevalenza ta’ okkupazzjoni prekarja f’xi ekonomiji; l-iskarsezza ta’ impjiegi disponibbli għaż-żgħażagħ; nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal biex jappoġġjaw lin-nisa li jirritornaw għax-xogħol u l-livell għoli ta’ informalità.

4.2

Iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent għandhom pożizzjoni sfavorevoli fis-swieq tax-xogħol tar-reġjun. Fl-2020, ir-rata ta’ impjieg taż-żgħażagħ għall-grupp ta’ età ta’ 15-24 sena kienet taħt is-27 % fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għall-grupp ta’ età ta’ 15-24 sena kienet ogħla minn 26 % (meta mqabbla ma’ 16,8 % biss fl-UE-27, għall-grupp ta’ età ta’ 15-24 sena), u laħqet kważi 50 % fil-Kosovo (16).

4.3

Il-proporzjon ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) għall-grupp ta’ età ta’ 15-24 sena huwa ta’ medja ta’ 23,7 % fil-Balkani tal-Punent, li jvarja minn 15,9 % fis-Serbja sa 37,4 % fil-Kosovo, meta mqabbel ma’ 11,1 % biss fl-UE għall-grupp ta’ età ta’ 15-24 sena (17).

4.4

Il-qgħad fit-tul jaffettwa kważi żewġ terzi taż-żgħażagħ qiegħda fil-Maċedonja ta’ Fuq, il-Bożnija-Ħerzegovina, u l-Kosovo, u żewġ terzi tan-nisa żgħażagħ qiegħda fil-Montenegro.

4.5

Ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol fost iż-żgħażagħ (rata ta’ attività) kienet ukoll aktar baxxa milli fl-UE u hemm differenza kbira bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, parzjalment minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal għal ommijiet żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol. Id-disparità bejn il-ġeneri hija riflessa wkoll fir-rati ta’ impjieg tan-nisa żgħażagħ, li huma taħt ir-rati ta’ impjieg ta’ rġiel żgħażagħ kullimkien fir-reġjun. Fejn ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma l-ogħla (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja) ir-rata tal-qgħad fost in-nisa żgħażagħ taqbeż ir-rata tal-irġiel. B’kuntrast ma’ dan, fl-Albanija u l-Montenegro r-rata tal-qgħad fost in-nisa żgħażagħ hija inqas mir-rata tal-irġiel, kif inhu l-każ fl-UE.

4.6

Iż-żgħażagħ jiffaċċjaw pożizzjoni prekarja fis-swieq tax-xogħol. Iż-żgħażagħ fl-ekonomiji kollha fir-reġjun għandhom sehem ogħla ta’ kuntratti temporanji milli fl-UE, speċjalment fil-Kosovo u l-Montenegro fejn aktar minn tliet kwarti taż-żgħażagħ impjegati għandhom dan it-tip ta’ kuntratt, filwaqt li fis-Serbja aktar minn nofshom għandhom kuntratt bħal dan. Impjieg prekarju ta’ dan it-tip jista’ jaffettwa ħażin il-benesseri individwali u l-produttività tal-ekonomiji.

4.7

L-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni żagħżugħa għandu jsir prijorità, partikolarment minħabba l-għadd kbir ta’ NEETs. Il-ħtieġa għal miżuri bbażati fuq l-eżempju tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE għandha tiġi enfasizzata, aktar u aktar fi żminijiet ta’ kriżi. Dan se jgħin biex jipprovdi liż-żgħażagħ b’offerta ta’ impjieg, edukazzjoni ulterjuri, apprendistat jew traineeship, u b’hekk joffri wkoll soluzzjonijiet u prospetti għaż-żgħażagħ u jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat l-eżodu ta’ mħuħ.

5.   Iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent bħala forza importanti fil-kooperazzjoni reġjonali u l-promozzjoni tal-integrazzjoni Ewropea

5.1

Il-prosperità u l-konverġenza mal-UE għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tal-inklużività, il-fiduċja u l-kooperazzjoni. Il-KESE jirrimarka li fit-twettiq ta’ riformi mmexxija mill-UE u fl-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ investiment, il-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent impenjaw ruħhom favur il-valuri ewlenin Ewropej tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni (18).

5.2

Il-KESE jaqbel li l-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent hija essenzjali għall-proċess tat-tkabbir, u għandha tissaħħaħ aktar sabiex tixpruna t-trasformazzjoni. Perspettiva kredibbli tal-adeżjoni hija l-inċentiv ewlieni u l-ixprun tat-trasformazzjoni fir-reġjun. Hija għodda ewlenija għall-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, li huma wkoll il-muturi ewlenin tal-integrazzjoni ekonomika u l-ankra essenzjali għat-trawwim tar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà reġjonali (19).

5.3

Il-KESE jirrikonoxxi li f’dawn l-aħħar snin tnedew diversi inizjattivi Ewropej u reġjonali ewlenin, speċjalment għar-Reġjun tal-Balkani tal-Punent, sabiex dan jitqarreb lejn l-UE, iżda wkoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost iż-żgħażagħ. L-UE tibqa’ s-sieħeb strateġiku ewlieni tar-reġjun, billi tipprovdi fondi u appoġġ permezz ta’ diversi programmi (IPA, Erasmus+, eċċ.). Barra minn hekk, abbażi tal-eżempju ta’ suċċess tal-Uffiċċju taż-Żgħażagħ Franko-Ġermaniż, l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ (RYCO) tnieda fl-2016 sabiex jippromovi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni u kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ fir-reġjun permezz ta’ programmi ta’ skambju taż-żgħażagħ.

5.4

Ir-RYCO għandu rwol importanti fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u r-rikonċiljazzjoni fost iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent. L-appoġġ tal-UE fis-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali taż-żgħażagħ, bħala element essenzjali biex jintlaħqu l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun, kien vitali. Ir-rwol taż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-prospetti tar-reġjun m’għandux jiġi msaħħaħ biss permezz tal-isforzi tar-RYCO.

5.5

Il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ huwa titolu mogħti mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Huwa mfassal biex jawtonomizza liż-żgħażagħ, jagħti spinta lill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u jsaħħaħ l-identità Ewropea fil-bliet. Fl-2022, il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ hija Tirana. B’ħidma taħt is-slogan “Żgħażagħ Attivi”, l-għan ewlieni tat-titolu huwa li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva b’enfasi fuq il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, illum u fil-futur. Il-programm jinkludi attivitajiet immirati lejn il-promozzjoni tal-volontarjat, l-awtonomizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u l-ħolqien ta’ networks u sinerġiji fost iż-żgħażagħ mill-Ewropa kollha.

5.6

Kooperazzjoni aktar b’saħħitha u attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku organizzati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati fil-politika taż-żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent għandhom ikomplu jappoġġjaw l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent.

5.7

L-isforzi li saru biex il-Balkani tal-Punent jiġu involuti fil-programmi taż-żgħażagħ tal-UE għandhom jiġu kkoordinati mal-programmi attwali offruti mir-RYCO. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tassisti lill-Balkani tal-Punent fit-tfittxija ta’ modi kif jiġu stabbiliti skemi ġodda ta’ mobilità intrareġjonali.

6.   Amplifikazzjoni tal-vuċi taż-żgħażagħ mill-Balkani tal-Punent

6.1

L-aġenda politika tal-UE fir-rigward tal-Aġenda ta’ Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent għandha tiffaċilita t-tfassil ta’ politika ibbażata fuq l-evidenza (20). Li jkun hemm statistika affidabbli u trasparenti hija talba ewlenija mill-UE lill-pajjiżi kollha fil-fażi ta’ qabel l-adeżjoni (21).

6.2

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 għandha l-għan li tħeġġeġ u tippromovi l-parteċipazzjoni demokratika inklużiva taż-żgħażagħ kollha fil-proċessi demokratiċi u fis-soċjetà, li tinvolvihom b’mod attiv, tappoġġja r-rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u tesplora u tippromovi l-użu ta’ forom innovattivi u alternattivi ta’ parteċipazzjoni demokratika, eż. għodod tad-demokrazija diġitali (22).

6.3

Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ huwa mekkaniżmu ta’ djalogu stabbilit sew bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex tibni fuq dan il-mekkaniżmu u tintroduċih fil-qafas ta’ kooperazzjoni reġjonali tal-Balkani tal-Punent, filwaqt li tiżgura li jitqiesu l-fehmiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ meta jiġu definiti l-prijoritajiet tal-politika taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, il-proċessi u l-mekkaniżmi parteċipattivi eżistenti fil-Balkani tal-Punent fejn iż-żgħażagħ huma involuti għandhom jiġu mħeġġa u promossi.

6.4

Skont l-Indiċi tal-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ (23), iż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent għadhom fil-biċċa l-kbira mhux rappreżentati biżżejjed fil-ħajja politika. Data reċenti turi li maġġoranza kbira (78 %) jemmnu li ż-żgħażagħ għandu jkollhom sehem akbar fil-politika (24).

6.5

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet li jaffettwawhom. Minbarra l-parteċipazzjoni individwali, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huwa essenzjali biex jintlaħaq progress fil-pożizzjoni taż-żgħażagħ fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u soċjali. Għalhekk, kif enfasizzat mir-Regolament dwar l-IPA III u l-Metodoloġija tat-Tkabbir, huwa meħtieġ li wieħed jinnota s-sinifikat tal-finanzjament u l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jaqdu l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.

6.6

L-istatus soċjoekonomiku u l-kisba edukattiva huma meqjusa bħala fatturi tat-tbassir importanti rigward il-propensità tal-individwi biex jivvotaw jew jieħdu sehem f’tipi oħra ta’ impenn politiku. L-analiżi statistika fil-livell reġjonali tagħti stampa konsistenti tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi inerenti fl-involviment taż-żgħażagħ fir-Reġjun tal-Balkani tal-Punent (25).

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Youth Participation Index for 2020 (Indiċi tal-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ għall-2020), Ana and Vlade Divac Foundation, paġna 31.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 372, 4.11.2020. p. 1).

(3)  Summit tal-Balkani tal-Punent tal-Proċess ta’ Berlin, Summit ta’ Berlin tal-2021, Konklużjoni tal-President.

(4)  Dikjarazzjoni Finali tat-8 Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent.

(5)  Basic figures on Western Balkans and Turkey, Factsheets (Ċifri bażiċi dwar il-Balkani tal-Punent u t-Turkija, Skeda Informattiva), edizzjoni tal-2022.

(*1)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 u l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(6)  Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, Mapping of Youth Policies and Identification of Existing Support and Gaps in the Financing of Youth Actions in the Western Balkans (L-immappjar tal-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-identifikazzjoni tal-appoġġ eżistenti u l-lakuni fil-finanzjament tal-azzjonijiet taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent) – Rapport komparattiv, Jannar 2021, p. 4.

(7)  Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, Mapping of Youth Policies and Identification of Existing Support and Gaps in the Financing of Youth Actions in the Western Balkans – Comparative report (L-immappjar tal-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-identifikazzjoni tal-appoġġ eżistenti u l-lakuni fil-finanzjament tal-azzjonijiet taż-żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent – Rapport komparattiv), Jannar 2021, p. 4.

(8)  Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), Unlocking youth potential in South Eastern Europe and Turkey: Skills development for labour market and social inclusion (Nisfruttaw il-Potenzjal taż-Żgħażagħ fix-Xlokk tal-Ewropa u t-Turkija: L-iżvilupp tal-ħiliet għas-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali), 2020.

(9)  Ir-riżultati tal-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) għall-2018 juru livelli għoljin ta’ prestazzjoni insuffiċjenti (studenti li qed ifallu mil-Livell 2 fuq l-iskala PISA fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza) f’kompetenzi ewlenin fi kważi l-Balkani tal-Punent kollha.

(10)  Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa: Social Infrastructure in the Western Balkans- Increasing the region’s economic resilience, enhancing human capital and counteracting the effects of brain drain (L-Infrastruttura soċjali fil-Balkani tal-Punent – Iż-żieda fir-reżiljenza ekonomika tar-reġjun, it-tisħiħ tal-kapital uman u l-ġlieda kontra l-effetti tal-eżodu ta’ mħuħ), Novembru 2021.

(11)  Il-preċiżjoni taċ-ċifri migratorji għar-Reġjun tal-Balkani tal-Punent hija affettwata minn diversi kwistjonijiet li jillimitaw l-ambitu għal tqabbil komprensiv bejn il-pajjiżi.

(12)  Emigration and Its Economic Impact on Eastern Europe (L-Emigrazzjoni u l-Impatt Ekonomiku tagħha fuq l-Ewropa tal-Lvant), 2016.

(13)  Il-benefiċċji soċjali fil-Balkani tal-Punent jistgħu jkunu inkonsistenti fil-kopertura, u t-trasferimenti tal-benefiċċji jistgħu jiddewmu.

(14)  Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, Balkan Barometer 2020: Public Opinion Survey (Il-Barometru tal-Balkani 2020: Stħarriġ tal-Opinjoni Pubblika).

(15)  Lavric, Tomanovic, u Jusic, FES Youth Study Southeast Europe (Studju taż-Żgħażagħ FES fix-Xlokk tal-Ewropa) 2018/2019.

(16)  Kunsill ta’ Kooperazzjoni Reġjonali, Study on Youth Employment in the Western Balkans 2021 (Studju dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent 2021).

(17)  Kunsill ta’ Kooperazzjoni Reġjonali, Study on Youth Employment in the Western Balkans 2021 (Studju dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent 2021).

(18)  REX/184 Dikjarazzjoni Finali tat-Tmien Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent, p. 3.

(19)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 88.

(20)  Aġenda tal-Balkani tal-Punent dwar l-Innovazzjoni, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport.

(21)  Il-Kummissjoni Ewropea – Kapitoli tal-acquis/kapitoli ta’ negozjar.

(22)  L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ: Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ (COM(2018) 269 final).

(23)  Youth Participation Index for 2020 (Indiċi tal-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ għall-2020), Ana and Vlade Divac Foundation

(24)  FES (2019), Jusic, Political alienation of a precarious generation (Aljenazzjoni politika ta’ ġenerazzjoni prekarja), p. 5.

(25)  FES (2019), Jusic, Political alienation of a precarious generation (Aljenazzjoni politika ta’ ġenerazzjoni prekarja), p. 5.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kost tan-non-Ewropa — il-benefiċċji tas-suq uniku”

(Opinjoni esploratorja)

(2022/C 443/07)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Korelatur:

Émilie PROUZET

Konsultazzjoni

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.1.2022

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

27.6.2022

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

63/1/1

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li s-suq uniku huwa dwar it-titjib tal-benessri permezz tal-konverġenza soċjali u ekonomika mmirata biex tnaqqas l-inugwaljanzi u li jiġi żgurat li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali ma jwassalx biex jinħolqu ostakli serji għall-integrazzjoni Ewropea.

1.2.

Il-KESE jemmen li testi legali nazzjonali li potenzjalment ifixklu s-suq intern iridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea (KE) u jridu jiġu kkummentati u evalwati. Mingħajr dan, dawn il-proċeduri jibqgħu ineffettivi u jistgħu joħolqu ostakli bla bżonn.

1.3.

Fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni nazzjonali, il-KESE jirrakkomanda biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal miżuri nazzjonali inqas restrittivi permezz tar-rotta tal-“kooperazzjoni msaħħa”.

1.4.

Il-KESE jitlob ukoll implimentazzjoni u infurzar effettivi tad-direttivi diġà nnegozjati u sottomessi għall-votazzjoni, bħall-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (1) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (2) huma pass kruċjali fil-kisba ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi fis-swieq diġitali. Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni massima fl-ambitu tal-Att dwar is-Swieq Diġitali għandha tkun prijorità.

1.6.

Bl-istess mod, il-fluss liberu tad-data huwa vitali għall-innovazzjoni Ewropea, għat-tkabbir tan-negozji u b’appoġġ għas-Suq Uniku Diġitali.

1.7.

Il-KESE jissottolinja li r-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista (TSCs) qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku u jistieden lill-KE tindirizza l-effett antikompetittiv tat-TSCs.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda approċċ koordinat bejn l-Istati Membri dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti milquta mill-kriżi fl-Ukrajna. Il-kriżi kkawżata mill-aggressjoni tar-Russja ħolqot restrizzjonijiet enormi fuq il-provvista.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda miżuri ta’ politika nazzjonali aktar effettivi u provvista ta’ inċentivi ta’ mobilità, b’enfasi fuq politiki attivi tas-suq tax-xogħol bħal benefiċċji relatati max-xogħol għall-ħaddiema tal-UE.

1.10.

Filwaqt li jirrikonoxxi li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija proġett kumpless, il-KESE jinnota li l-UE għad għandha 27 suq kapitali u finanzjarju li ma jaħdmux b’mod unitarju, u b’hekk jillimitaw il-potenzjal tas-suq uniku.

1.11.

F’dan iż-żmien ta’ inċertezza kbira, jeħtieġ li tiġi żgurata politika tal-kompetizzjoni li tkun partikolarment immirata lejn it-twettiq tat-tranżizzjonijiet li l-UE impenjat ruħha għalihom. Barra minn hekk, kwalunkwe forma ta’ dumping kummerċjali, soċjali, regolatorju, fiskali jew ambjentali li jfixkel il-kompetizzjoni m’għandux ikun permess.

1.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi adottata “awtonomija strateġika miftuħa”, speċjalment f’setturi ewlenin, biex tgħin fil-bini tar-reżiljenza, tad-diversifikazzjoni u ta’ aġenda ambizzjuża għall-kummerċ.

2.   Sfond

2.1.   L-għan tas-suq uniku

2.1.1.

L-għan tas-suq uniku tal-UE kien it-tneħħija tal-ostakli għall-movimenti tal-oġġetti, tas-servizzi, tal-kapital u tan-nies fi sforz biex tissaħħaħ il-produttività u l-kompetittività madwar l-UE.

2.2.   Ir-responsabbiltà kondiviża tas-suq uniku

2.2.1.

Il-funzjonament tas-suq uniku huwa responsabbiltà kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri. Madankollu, fil-qagħda attwali, għad hemm ħafna differenzi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’ħafna każi, tali differenzi jistgħu jitqiesu bħala mhux ġustifikati jew sproporzjonati u fi kwalunkwe każ joħolqu ostakolu għall-moviment liberu tan-nies, tal-oġġetti u tas-servizzi.

2.3.   Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri

2.3.1.

Oġġettivament, jista’ jkun hemm raġunijiet validi għal diverġenza fost l-Istati Membri iżda tali ġustifikazzjonijiet mhux dejjem jiġu pprovduti u xi drabi l-Istati Membri ma jippruvawx jibbilanċjaw il-ġustifikazzjoni fil-livell nazzjonali mal-impatti negattivi possibbli fuq is-suq uniku. B’konsegwenza ta’ dan, għad hemm ħafna ostakoli regolatorji u mhux regolatorji fi ħdan l-UE li jagħmlu s-suq uniku “mhux komplut” u frammentat bħal:

Leġiżlazzjoni nazzjonali ġustifikata fuq is-suppożizzjoni li l-prinċipju tas-sussidjarjetà qed jiġi applikat;

In-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-prinċipju ta’ rikonoxximent allegatament reċiproku;

Il-proliferazzjoni ta’ traspożizzjonijiet żejda, magħrufa wkoll bħala gold-plating, u traspożizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali dwar it-traspożizzjoni ta’ testi legali tal-UE li ġew miftiehma fil-livell tal-UE. Fil-fatt, għadd ta’ ostakoli li għandhom impatt fuq is-suq uniku jirriżultaw minn applikazzjoni mhux korretta jew mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u minn Stati Membri li japplikaw regoli nazzjonali li jmorru kontra l-għanijiet tas-suq uniku. Għalhekk, l-implimentazzjoni mhux preċiża jew mhux korretta mill-Istati Membri u n-nuqqas ta’ infurzar mill-Kummissjoni, għandhom konsegwenzi ta’ ħsara kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali għaċ-ċittadini u n-negozji;

L-applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali ta’ miżuri Ewropej li ġejjin fejn il-gvernijiet u l-parlamenti li qed jippruvaw jantiċipaw l-applikazzjoni tal-politiki tal-UE billi jpoġġu l-interessi nazzjonali l-ewwel minkejja li l-politiki tal-UE għadhom qed jiġu żviluppati mill-Kummissjoni. Eżempju ta’ dan huwa l-politika tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari.

L-interessi nazzjonali li huma prevalenti fuq il-kwistjonijiet tal-ekosistemi strateġiċi Ewropej.

2.4.   L-ispiża ekonomika tar-restrizzjonijiet għas-suq uniku

2.4.1.

L-eżempji msemmija hawn fuq juru l-ispejjeż ewlenin tan-non-Ewropa u diversi studji fil-fatt enfasizzaw il-qligħ ekonomiku kbir minn suq uniku “komplut”. Ir-rapport ġenerali mill-Parlament Ewropew wera li dawn ivarjaw minn EUR 650 biljun u EUR 1,1 triljun fis-sena, l-ekwivalenti ta’ bejn 5 u 8,6 % tal-PDG tal-UE (3).

2.4.2.

L-istess studju ta’ RAND Europe għall-Parlament Ewropew investiga l-impatt ekonomiku fuq is-suq uniku ta' ostakoli aktar baxxi għall-kummerċ. Skont l-istudju, l-impatt tal-flussi ta' kummerċ imtejba, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi minħabba ostakoli għall-kummerċ aktar baxxi jwassal għal benefiċċji ekonomiċi ta’ bejn EUR 183 u EUR 269 biljun fis-sena (4).

2.4.3.

Rilevanti wkoll f’termini ta’ benefiċċji potenzjali mitlufa hija l-istima tal-KE ta’ suq uniku diġitali tal-UE integrat b’mod sħiħ. Il-KE tiddikjara li dan jista’ jippromovi l-innovazzjoni, jikkontribwixxi EUR 415-il biljun għall-ekonomija tal-UE kull sena u joħloq mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda (5).

2.4.4.

Dan kollu jindika l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali sinifikanti (u l-benefiċċji soċjali assoċjati) li setgħu jiġu pprovduti minn suq uniku aktar komplut. Fi kliem ieħor, dan jirrappreżenta l-ispiża ekonomika totali jew il-valur miżjud mitluf u l-ġid pubbliku kollettiv tan-non-Ewropa.

2.4.5.

Minkejja l-limitazzjonijiet, s’issa is-suq intern għen biex jippreserva u jrawwem il-prosperità ekonomika tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li tissaħħaħ l-kompetittività kif ukoll ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE, kemm permezz ta’ aktar riformi tas-suq uniku kif ukoll billi jiġu indirizzati d-dipendenzi strateġiċi. Jeħtieġ li tiġi promossa wkoll kultura intraprenditorjali fl-UE, fejn in-negozji innovattivi ta’ kull daqs, u b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs), kif ukoll negozji ġodda, jingħataw appoġġ aktar effettiv u jkunu jistgħu jirnexxu sabiex jikkontribwixxu għal soċjetajiet aktar reżiljenti u koeżivi. Daqstant importanti, suq uniku li jiffunzjona tajjeb jiffaċilita l-viżjoni għal Ewropa aktar soċjali: waħda li tpoġġi l-benesseri taċ-ċittadini fuq nett tal-aġenda politika, u tgħin biex tevita gradar soċjali ’l isfel.

3.   Restrizzjonijiet

3.1.

Ir-restrizzjonijiet eżistenti jinkludu dawk assoċjati mar-regolamentazzjoni, mal-kwistjonijiet ta’ liġi nazzjonali, mal-kwistjonijiet ta’ taxxa, mal-kwistjonijiet ta’ loġistika u provvista, u ma’ differenzi oħra aktar sfumati fl-Istati Membri tal-UE li għadhom jagħmlu l-kummerċ fl-UE diffiċli.

3.2.

Ir-restrizzjonijiet qed iżommu lura wkoll setturi ekonomiċi ewlenin bħas-servizzi, li għadhom frammentati fuq linji nazzjonali, kif jidher hawn taħt:

Regoli nazzjonali storikament restrittivi li huma spiss iġġustifikati mill-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Implimentazzjoni u applikazzjoni difettuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi li tfixkel il-libertà tal-istabbiliment, il-moviment liberu tas-servizzi u l-libertà li jiġi pprovdut servizz;

Liġijiet kummerċjali nazzjonali li jfixklu n-negozju fil-mod kif jagħmlu n-negozju. Ħafna drabi dawn il-liġijiet ifixklu l-kompetittività tas-settur, huma protezzjonisti u jimminaw l-investiment min-negozji affidabbli u leġittimi fi Stati Membri oħra;

Rekwiżiti nazzjonali li jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija. Ħafna drabi, l-Istati Membri ma jinnotifikawx ir-rekwiżiti tekniċi nazzjonali ġodda skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u ma japplikawx il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fl-attivitajiet mhux armonizzati, pereżempju d-direttivi li jiġu estiżi meta jiġu trasposti fid-drittijiet nazzjonali ta’ Stat Membru, eċċ.

3.3.

Il-KESE jirrimarka li l-proċeduri ta’ ksur huma twal, għaljin u l-eżitu huwa inċert. Għan-negozji, dan jikkostitwixxi spiża għolja wisq u jiskoraġġixxihom milli jespandu n-negozju tagħhom jew jinvestu xi mkien ieħor fl-UE. Barra minn hekk, dawn ir-restrizzjonijiet iċaħħdu lill-konsumaturi minn għażla ikbar, servizz imtejjeb u prezzijiet orħos. Il-KESE jappella wkoll għal azzjoni aktar b’saħħitha min-naħa tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ ksur.

3.4.

Din l-ispiża taffettwa l-ekonomija ġenerali, tillimita l-kompetittività, il-potenzjal tat-tkabbir, u l-iżvilupp ulterjuri tal-ekonomija tas-sistema tas-suq.

3.5.

Bħal f’kull ekonomija, l-UE hija affettwata minn xokkijiet esterni, iżda r-rispons għal dawn ix-xokkijiet u l-mod li bih jirreaġixxu s-swieq huma essenzjalment iddeterminati mill-politiki individwali tal-Istati Membri f’pajjiżhom u l-miżuri meħuda biex jistimulaw l-imġiba ekonomika. Il-gwerra fl-Ukrajna ħarġet fid-dieher id-dipendenza tal-UE fuq il-ktajjen tal-valur globali. Il-kriżi li qed tiżvolġi x’aktarx li ser taffettwa s-setturi b’mod differenti, iżda m’hemm l-ebda dubju li xi nuqqasijiet fl-armatura tas-suq uniku ġew esposti, b’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi, u l-komoditajiet essenzjali.

3.6.

Fl-aħħar nett, wieħed irid jinnota li madwar 82 % tal-prodotti nnegozjati fis-suq uniku huma soġġetti għal regoli armonizzati u madwar 18 % tal-kummerċ tal-oġġetti fi ħdan l-UE jaqa’ taħt rikonoxximent reċiproku. Madankollu, għad hemm każi ġodda ta’ regoli tekniċi nazzjonali li jidhru li jmorru kontra d-dritt tal-UE. Barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, kien hemm ukoll żieda reċenti fir-rekwiżiti tal-ittikkettar nazzjonali għall-prodotti tal-ikel u tax-xorb iġġustifikati mill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ambjent. Fl-istess ħin, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mhux qed jaħdem tajjeb ħafna. Dan jidher mill-fatt li 71 % tal-SMEs li applikaw għas-sistema eżistenti ta’ rikonoxximent reċiproku għal oġġetti mhux armonizzati rċevew deċiżjoni ta’ ċaħda tal-aċċess għas-suq.

4.   L-indirizzar tar-restrizzjonijiet

4.1.

Il-miżuri msemmija hawn isfel għandhom jgħinu biex jiġi sfruttat xi ftit mill-qligħ ekonomiku potenzjali derivat mis-suq uniku.

4.2.   L-użu ta’ għodod eżistenti b’mod aktar effettiv

4.2.1.

Il-KESE jemmen li testi nazzjonali li potenzjalment ifixklu s-suq intern iridu jiġu nnotifikati lill-KE u jridu jiġu kkummentati u evalwati. Mingħajr impenn li fih l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw u jikkummentaw/jevalwaw, dawn il-proċeduri ser jibqgħu ineffettivi. Għalhekk, hija meħtieġa sorveljanza aktar effettiva b’appoġġ għall-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti fl-Istati Membri kollha tal-UE. Eżempju ta’ dan huwa s-settur tal-bejgħ bl-imnut, li reċentement esperjenza żieda fir-restrizzjonijiet nazzjonali permezz tal-awtorizzazzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ kontenut lokali. Dan imur kontra l-Artikolu 28 u l-Artikolu 30 tat-Trattat fejn l-ittestjar nazzjonali mill-ġdid spiss jiġi applikat fuq ix-xiri tal-prodotti, u li diġà ġie mqiegħed legalment fis-suq uniku. Dwar is-servizzi, il-KESE jemmen ukoll li l-proċedura ta’ notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi mhix qed taħdem kif suppost. Rigward il-libertà ta’ stabbiliment, il-KESE jinnota b’dispjaċir li l-Istati Membri ma laħqux kompromess dwar il-proposta għall-hekk imsejħa Direttiva ta’ Notifika. Dan it-test seta’ jsaħħaħ l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-abbozzi ta’ liġijiet jew regolamenti dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzi (u għalhekk għall-ippjanar tal-bliet) (7). Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-KE u lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità applikata meta l-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli tekniċi. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li r-rekwiżiti nnotifikati jirċievu l-iskrutinju adatt irrispettivament minn liema proċedura ta’ notifika tintuża (8). Sabiex tiġi indirizzata l-problema fil-qalba tagħha, il-KESE jemmen li bidla leġiżlattiva ulterjuri minn armonizzazzjoni minima għal armonizzazzjoni massima hija meħtieġa.

4.2.2.

Qasam ieħor ta’ tħassib huwa l-applikazzjoni ta’ miżuri li jipprevjenu r-regolamentazzjoni ppjanata tal-UE, pereżempju ċ-ċertifikazzjoni nazzjonali, applikati bil-għan espliċitu li jipprovdu ċertu livell ta’ protezzjoni, partikolarment fis-settur agroalimentari. Fil-fehma tal-KESE, restrizzjonijiet bħal dawn huma għalkollox protezzjonisti, iżda meta jiġu żvelati bħala tali, il-proċess li jwassal għall-irtirar tagħhom ħafna drabi jimxi bil-mod u jkun problematiku, u b’hekk dawn ir-restrizzjonijiet għall-bejjiegħa jibqgħu fis-seħħ għal żmien twil wisq. Biex dan jiġi evitat, il-KESE jemmen li, alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jimpenjaw ruħhom lejn miżuri nazzjonali inqas restrittivi permezz tar-rotta tal-“kooperazzjoni msaħħa”, awtorizzata mit-Trattat. Barra minn hekk, il-KESE jirreferi għall-prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew bħala qafas standard biex jappoġġja s-suq uniku li jista’ jiġi applikat f’oqsma oħra.

4.2.3.

Il-KESE jemmen ukoll li s-Semestru Ewropew jista’ jkun għodda effettiva biex jiġu ttrattati kwistjonijiet bħal dawn, b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni proporzjonata min-naħa tal-Kummissjoni jekk l-impenji għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) ma jiġux rispettati, inkluża s-sospensjoni potenzjali tal-fondi tal-UE. Dan huwa konformi mal-gwida tal-KE għall-Istati Membri dwar il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza, li tenfasizza t-tneħħija tal-ostakli regolatorji u mhux regolatorji għas-suq intern, kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jeħtiġilhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-Semestru Ewropew.

4.2.4.

Finalment, il-KESE jitlob implimentazzjoni u infurzar effettivi tad-direttivi diġà nnegozjati u sottomessi għall-votazzjoni. F’dan ir-rigward, il-KE u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw il-pakkett ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, soġġett għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalità tajba.

4.3.   L-isfruttar tal-potenzjal tas-suq uniku diġitali

4.3.1.

Il-KESE jemmen li l-ekonomija diġitali, li qiegħda dejjem tikber fl-Ewropa, tipprovdi opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku, u li l-kisbiet ekonomiċi potenzjali qed iseħħu permezz ta’ integrazzjoni akbar tas-servizzi diġitali madwar l-Istati Membri.

4.3.2.

F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali huma pass kruċjali fil-kisba ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi fis-swieq diġitali. Billi tiffoka fuq servizzi speċifiċi irrispettivament mill-post fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz jew mil-liġi applikabbli għall-forniment tas-servizz, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali jindirizzaw b’mod effettiv il-kwistjoni tat-trattament ugwali bejn l-operaturi online Ewropej u globali. Barra minn hekk, prijorità assoluta għall-KESE hija li jiġi evitat li l-multiplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tkompli tifframmenta s-suq intern.

4.3.3.

Jistgħu jsiru wkoll kisbiet finanzjarji sinifikanti billi jiżdied l-użu tas-servizzi online u tittejjeb l-infrastruttura diġitali fi ħdan l-UE. F’dan il-kuntest, il-KE tirrakkomanda avvanz lejn reġim ta’ akkwist elettroniku u fatturazzjoni elettronika kompletament funzjonali. B’mod impressjonanti, l-istimi jissuġġerixxu li tranżizzjoni kompluta għall-akkwist elettroniku tista’ tiġġenera minn EUR 50 sa EUR 75 biljun fis-sena (9).

4.3.4.

Finalment, il-KESE jemmen li l-fluss liberu tad-data huwa vitali għall-innovazzjoni Ewropea, għat-tkabbir tan-negozji ta’ kull daqs, għall-ħolqien tal-impjiegi, u għall-kisba ta’ suq uniku diġitali. Il-leġiżlazzjoni b’appoġġ għall-fluss liberu tad-data diġà qiegħda fis-seħħ. Madankollu, għandu jiġi evitat kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikat.

4.4.   L-isfruttar tar-restrizzjonijiet fuq il-provvista

4.4.1.

Il-KESE jinnota li r-Regolamenti tal-2018 dwar l-Imblukkar Ġeografiku għenu biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ fl-UE. Madankollu, il-konsumaturi Ewropej għadhom soġġetti għall-imblukkar ġeografiku tal-oġġetti u tas-servizzi. Fil-fatt, il-KESE jissottolinja l-eżistenza tat-TSCs persistenti li jistgħu jimmaterjalizzaw permezz ta’ prattiki differenti bħar-rifjut ta’ fornitura jew it-theddida tal-waqfien ta’ forniment lil distributur partikolari, li jillimitaw il-kwantitajiet disponibbli għall-bejgħ mill-Istati Membri; differenzi inspjegabbli fil-firxiet tal-prodotti u l-prezzijiet bejn l-Istati Membri; jew li jillimitaw l-għażliet tal-lingwa għall-ippakkjar tal-prodott. Il-KESE jenfasizza li t-TSCs qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku u l-benefiċċji potenzjali tiegħu għall-konsumaturi u jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-effett antikompetittiv tat-TSCs bil-ħsieb li jinkiseb suq uniku li jiffunzjona b’mod sħiħ.

4.4.2.

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna żvelat ir-riskji formidabbli tal-enerġija u tas-sigurtà tal-ikel li jeħtieġu approċċ strateġiku unifikat min-naħa tal-UE. Il-KESE jemmen li suq uniku li jiffunzjona tajjeb jista’ jappoġġja din l-istrateġija u jista’ wkoll itaffi xi wħud mill-pressjonijiet fuq il-prezzijiet li qed inaqqsu malajr il-kapaċità tal-akkwist madwar l-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-isforzi fil-livell tal-UE għall-kooperazzjoni dwar ix-xiri konġunt tal-gass (fuq bażi volontarja) sabiex jittaffew il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet tal-enerġija.

4.4.3.

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li s’issa ma kien hemm l-ebda approċċ koordinat bejn l-Istati Membri għal prodotti oħra milquta mill-kriżi fl-Ukrajna.

4.5.   It-tisħiħ tal-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema u tal-professjonisti

4.5.1.

Il-mobilità transfruntiera tal-ħaddiema u tal-professjonisti madwar l-UE għadha sfida li tillimita l-provvista u li tikkawża diskrepanzi f’setturi bħall-IT u l-industrija tat-teknoloġija għolja minkejja l-politiki tal-UE mmirati biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni. Id-data Ewropea u nazzjonali tissuġġerixxi li l-livell ta’ mobilità li hemm kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll fi ħdanhom għadu baxx, anke meta mqabbel fuq livell internazzjonali.

4.5.2.

B’mod speċifiku, il-KESE jirrakkomanda miżuri ta’ politika nazzjonali aktar effettivi li jipprovdu inċentivi ta’ mobilità, b’enfasi fuq politiki attivi tas-suq tax-xogħol bħal benefiċċji relatati max-xogħol għall-ħaddiema tal-UE u tal-pajjiżi terzi bi status ta’ refuġjat. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li l-fatt li pajjiżi ospitanti joffru inċentivi finanzjarji lil dawk li qed ifittxu xogħol biex jaċċettaw impjieg fi Stat Membru jew reġjun ieħor għandu jħeġġeġ aktar il-mobilità. Barra minn hekk, aktar sforzi biex tittejjeb l-informazzjoni dwar l-impjiegi f’pajjiżi oħra tal-UE kif ukoll l-assistenza ta’ rilokazzjoni biex tappoġġja l-loġistika neċessarja għaċ-ċaqliq minn pajjiż għal ieħor — eż. it-tfittxija ta’ akkomodazzjoni, ir-reġistrazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa, it-tfittxija ta’ skola għat-tfal tiegħek, li possibbilment tinstab għajnuna fit-tfittxija ta’ impjieg għas-sħab, eċċ. Il-KESE jwissi, madankollu, li l-mobilità tax-xogħol fl-UE kienet vittma tal-approċċ frammentat li għadu adottat s’issa. Jeħtieġ li jiġu evitati aktar politiki li mhumiex konnessi partikolarment fil-livell nazzjonali.

4.5.3.

Ir-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki, li huwa essenzjali biex jimtlew postijiet battala fejn hemm il-ħtieġa għal aktar ħaddiema, jibqa’ problema madwar l-UE kollha. Il-KESE jemmen li s-sistema eżistenti għadha tiddependi wisq fuq il-gvernijiet individwali, fejn l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw ir-regoli proprji tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġi applikat approċċ aktar armonizzat għar-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki oħra fl-Istati Membri kollha.

4.5.4.

Finalment, it-titjib tal-mobilità tal-ħaddiema u l-professjonisti tal-UE jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm infurzar aħjar tad-dispożizzjonijiet eżistenti, tal-aċċess għall-informazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-KESE jinnota li l-Istati Membri individwali jistgħu joqogħdu lura milli jkomplu riformi tas-suq uniku minħabba l-biża’ li dan jista’ jwassal għal telf potenzjali ta’ impjiegi għal żmien qasir u telf settorjali, partikolarment f’pajjiżi li diġà għadhom lura, kif ukoll pajjiżi/setturi bi produttività baxxa. Fit-teorija, il-moviment liberu tal-forza tax-xogħol jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema, iżda minn perspettiva nazzjonali dan jista’ jwassal għal telf potenzjali ta’ riżorsi, ta’eżodu tal-imħuħ u ta’ ħiliet.

4.6.   It-tisħiħ tal-flussi tal-kapital u tas-servizzi finanzjarji fl-UE

4.6.1.

L-istess argument jgħodd fil-każ tas-swieq kapitali tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija proġett kumpless li għandu l-għan li japprofondixxi u jintegra aktar is-swieq kapitali tal-Istati Membri tal-UE. Dan jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri u emendi regolatorji f’varjetà wiesgħa ta’ oqsma u tinvolvi responsabbiltajiet mhux biss fil-livell tal-UE, iżda wkoll fil-livell ta’ kull Stat Membru. Il-KESE jinnota li t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija għan li għad fadallu biex jinkiseb fl-2022. Minkejja xi progress, partikolarment bil-Pakkett tal-UE għall-Irkupru tas-Swieq Kapitali, l-UE għad għandha 27 suq kapitali li ma jaħdmux b’mod konġunt. Il-finanzjament Ewropej għadu severament diviż skont il-linji nazzjonali, u min ifaddal u l-investituri jiddependu ħafna fuq l-ambjenti nazzjonali. Dan jgħodd ukoll għas-servizzi finanzjarji b’mod ġenerali, inklużi s-servizzi finanzjarji għall-konsumatur u t-tfaddil domestiku.

4.6.2.

Il-KESE jemmen li dan qed jillimita kemm l-irkupru ekonomiku kif ukoll il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Il-benefiċċji ekonomiċi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huma ċari, iżda t-tlestija tagħha teħtieġ kemm dħul politiku minn Stati Membri individwali, kif ukoll adozzjoni effettiva ta’ inizjattivi mmexxija mill-KE, inklużi dawk immirati lejn it-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-Euro. Barra minn hekk, ir-rwol tad-diġitalizzazzjoni fil-faċilitazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali ma jistax jiġi sottovalutat.

4.7.   Rieda politika ferm aktar b’saħħitha biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tas-suq uniku

4.7.1.

F’dan iż-żmien ta’ inċertezza kbira, il-KESE jitlob li tiġi żgurata politika tal-kompetizzjoni li tkun partikolarment immirata lejn it-twettiq tat-tranżizzjonijiet li daħlet għalihom l-UE stess. Dawn it-tranżizzjonijiet se jeħtieġu politiki ta’ kummerċ u investiment ambizzjużi, investimenti straordinarji pubbliċi u privati, innovazzjoni, aktar progress soċjali, ekonomiku u ambjentali, u suq uniku li jiffunzjona tajjeb. Dan kollu jeħtieġ li jiġi appoġġjat minn qafas legali u finanzjarju li jiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-suq għall-partijiet interessati kollha, għar-reġjuni u għaċ-ċittadini kollha madwar l-UE. Hawnhekk, l-integrità tas-suq intern tagħna u n-nonframmentazzjoni tiegħu huma kruċjali. Suq uniku li jiffunzjona tajjeb u politika tal-kompetizzjoni li jippermettu lin-negozji u lill-konsumaturi jaċċessaw kompetizzjoni vasta tas-suq f’ambjent ta’ opportunitajiet indaqs huma ta’ importanza kbira, u permezz tagħhom tista’ tiġi stimulata l-effiċjenza kif ukoll l-innovazzjoni, u jipprovdu wkoll ambjent li fih in-negozju ta’ suċċess jista’ jikber.

4.7.2.

Fil-fehma tagħna, l-armonizzazzjoni u t-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment liberu fit-territorju jippermettu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-qligħ mill-produttività. Kwalunkwe forma ta’ dumping kummerċjali, soċjali, regolatorju, fiskali jew ambjentali li jfixkel il-kompetizzjoni m’għandux ikun permess. Il-KESE jistenna li l-Istati Membri kollha jirrispettaw dan u jesiġu li l-imsieħba esterni tagħna għandhom jirrispettaw il-valuri u d-drittijiet fundamentali ewlenin tagħna, kemm fl-oqsma soċjali, kummerċjali kif ukoll ambjentali.

4.7.3.

Il-KESE jwissi li s-suq uniku m’għandux jibqa’ jitqies bħala verżjoni glorifikata ta’ ftehim kummerċjali globali li l-proprjetajiet tiegħu jistgħu jiġu mmodifikati fin-negozjati. Is-suq uniku huwa ħafna aktar minn hekk. Huwa wkoll dwar it-titjib tal-assistenza soċjali permezz ta’ konverġenza soċjali u ekonomika mmirata li tnaqqas l-inugwaljanza u tiżgura li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali u ż-żieda ġenerali fil-faqar ma jispiċċawx isiru ostakoli serji għall-integrazzjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza d-drittijiet fundamentali soċjali u tal-ħaddiema għal pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, mhux biss fl-interazzjoni tagħhom mal-libertajiet ekonomiċi, iżda wkoll fir-rigward tas-suq intern u tax-xogħol, tal-kompetizzjoni u ta’ kwalunkwe miżura oħra ta’ politika tal-Unjoni, inklużi, iżda mhux limitati għal, oqsma bħall-governanza ekonomika, il-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni u l-ambjent. Timmira wkoll li tissalvagwardja u ssaħħaħ l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, billi tistabbilixxi rabta ċara mar-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet soċjali kollettivi. Huwa kruċjali wkoll li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu protetti u salvagwardjati bis-sħiħ fit-Trattati.

4.7.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li s-suq uniku jeħtieġ li jirrispondi kontinwament għall-bidliet fit-teknoloġija, għall-globalizzazzjoni, għall-iżviluppi fl-edukazzjoni, għas-swieq tax-xogħol u tal-kapital, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għal kriżijiet u kunflitti globali. Fis-sitwazzjoni preżenti, m’hemm l-ebda spazju għal proposti ta’ żamma tal-istatus quo — is-sitwazzjoni tal-kriżi attwali u ċ-ċirkostanzi mibdula jridu jitqiesu meta tiġi proposta leġiżlazzjoni.

4.7.5.

Il-KESE jemmen ukoll li għandha tiġi adottata “awtonomija strateġika miftuħa”, speċjalment fis-setturi ewlenin. Dan jista’ jgħin biex tiġi mibnija r-reżiljenza permezz tal-ftuħ, ta' aġenda kummerċjali ambizzjuża, tal-kooperazzjoni mal-imsieħba li jaħsbuha l-istess, tad-diversifikazzjoni, u tal-evitar tal-protezzjoniżmu.

4.7.6.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota b’dispjaċir li lejliet it-30 anniversarju tas-suq uniku Ewropew, is-suq intern għadu mhux komplut.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2020) 825 final (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 70).

(2)  COM(2020) 842 final (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64).

(3)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html

(4)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html

(5)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html.

(6)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(7)  2016/0398(COD); https://eur-lex.europa.eu/procedure/MT/2016_398

(8)  Studju dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità mill-Istati Membri meta jiġu adottati r-rekwiżiti relatati mal-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut skont id-Direttiva 2006/123/KE.

(9)  https://www.rand.org/blog/2017/11/why-the-eu-single-market-has-still-not-reached-its.html


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni diġitali”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

(2022/C 443/08)

Relatur:

Benjamin RIZZO

Korelatur:

Petru Sorin DANDEA

Konsultazzjoni

26.1.2022, ittra mingħand Mikuláš BEK, Ministru għall-Affarijiet Ewropej

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adozzjoni fis-sezzjoni

1.7.2022

Adozzjoni fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-iżvilupp ta’ prinċipji u regoli adegwati dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali sar kompitu fundamentali kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għal regolaturi internazzjonali oħra, sabiex il-politiki fiskali jiġu modernizzati u adattati għall-ħtiġijiet attwali u futuri.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jissuġġerixxi li, ladarba jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 1 tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 fir-rigward tar-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni, ir-regoli korrispondenti jiġu implimentati malajr fl-UE f’koordinazzjoni ma’ msieħba kummerċjali ewlenin oħra u b’inizjattiva meħuda simultanjament magħhom.

1.3.

Il-KESE jqis li l-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fir-rigward tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali. Madankollu, rwol bħal dan għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali milħuq mill-OECD/G20, kif diġà ġara għall-Pilastru 2 fir-rigward tal-mekkaniżmu kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa.

1.4.

Il-KESE jqis kruċjali li kemm il-Pilastru 1 kif ukoll il-Pilastru 2 jiġu implimentati fl-UE malli dan ikun fattibbli, u b’hekk jinkiseb livell għoli ta’ konsistenza mal-ftehim internazzjonali li ser jiġi nnegozjat fi ħdan l-OECD/G20. Il-Pilastri 1 u 2 għandhom jitqiesu bħala pakkett regolatorju komprensiv u reċiprokament integrat.

1.5.

Il-KESE jinnota li inizjattiva leġiżlattiva Ewropea dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għas-suq intern, u bla dubju tirriżulta f’qafas aktar effiċjenti meta mqabbel ma’ inizjattivi nazzjonali separati. L-introduzzjoni ta’ regoli mhux koordinati u separati mill-Istati Membri żżid il-frammentazzjoni fl-UE, tiġġenera inċertezza dwar it-taxxa u xxekkel il-kompetittività.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 1 bil-għan li tinkiseb sistema effettiva ta’ tassazzjoni, li tirrispetta l-prinċipji tan-newtralità u tat-trattament ugwali, kif ukoll li tkun kapaċi tippreserva l-potenzjal tal-innovazzjoni minqux fl-ekonomija diġitali, minn naħa, u li tiżgura li n-negozji diġitalizzati ħafna jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom għall-baġits nazzjonali, min-naħa l-oħra.

1.7.

Il-KESE jappella għal ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 1 li jżomm lura, kemm jista’ jkun, minn regoli kumplessi żżejjed u li jkollu l-għan li jikseb it-trasparenza, il-prevedibbiltà u s-semplifikazzjoni amministrattiva, u b’hekk l-ispejjeż tal-konformità jibqgħu baxxi. Sistema kkumplikata żżejjed tista’ tabilħaqq toħloq opportunitajiet biex jiġu evitati r-regoli li jkunu għadhom kif ġew miftiehma, u b’hekk titnaqqas l-effettività tagħhom.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li liġijiet internazzjonali dwar it-taxxa mfassla kif imiss dwar in-negozji diġitali huma strumentali biex jipprevjenu prattiki tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll fit-tfassil ta’ sistema ġusta, stabbli u progressiva ta’ tassazzjoni. Kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-profitti korporattivi huma kruċjali peress li, f’dawn l-aħħar snin, il-kumpaniji setgħu jagħmlu użu minn regoli speċifiċi tat-taxxa f’xi Stati Membri, u b’hekk naqqsu b’mod sostanzjali r-rata tat-taxxa effettiva tagħhom.

1.9.

Il-KESE jemmen li qafas regolatorju adatt għall-intaxxar tal-ekonomija diġitali għandu jqis id-dipendenza qawwija minn assi intanġibbli li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni. Dawn l-assi żiedu ħafna l-kapaċità tal-kumpaniji li jiżviluppaw attivitajiet kummerċjali rilevanti f’ġurisdizzjoni mingħajr ma jkunu preżenti fiżikament hemmhekk.

1.10.

Il-KESE jirrimarka li n-negozji diġitali spiss jisfruttaw id-data tal-utenti tagħhom biex jiġġeneraw il-valur. Tali metodu ta’ ġenerazzjoni tal-valur ma jinqabadx mis-sistemi attwali tat-taxxa, u dan joħloq diskrepanza bejn il-ħolqien tal-valur u t-tassazzjoni. Din il-kwistjoni speċifika għandha tiġi indirizzata kif dovut fil-kuntest tal-Pilastru 1.

1.11.

Il-KESE jtenni li jibqa’ kruċjali li jitħaddan approċċ li ser jevita r-riskji ta’ tassazzjoni doppja, kif ukoll in-nontassazzjoni mhux intenzjonata fi kwalunkwe ġurisdizzjoni, bil-għan li jiġu minimizzati l-ispejjeż ta’ konformità għall-kumpaniji Ewropej. F’dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-Pilastru 1 u r-regoli mmirati lejn it-traspożizzjoni tiegħu għandhom jarmonizzaw l-inizjattivi differenti li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, bil-għan li jiġu evitati diskrepanzi u lakuni.

1.12.

Il-KESE jittama sinċerament li jista’ jintlaħaq malajr kemm jista’ jkun ftehim vijabbli dwar il-Pilastru 1, kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, u jiddispjaċih dwar ir-restrizzjonijiet li għadhom qed jipprevjenu l-finalizzazzjoni ta’ ftehim fundamentali bħal dan.

2.   Kuntest essenzjali

2.1.

Ir-regoli internazzjonali attwali dwar it-taxxa korporattiva huma bbażati fuq prinċipji żviluppati fil-bidu tas-seklu 20 u adattati parzjalment maż-żmien. Ma għadhomx adattati għall-iskop tagħhom fil-kuntest tal-lum u mhumiex adattati għal ekonomija globalizzata u diġitalizzata. Dan ifisser li r-rikavati tat-taxxa mhux qed jiġu allokati lill-pajjiżi b’mod ġust u l-prattiki dannużi dwar it-taxxa qed jitħallew ikomplu, għad-detriment tal-finanzi pubbliċi u l-kompetizzjoni ġusta.

2.2.

Għalhekk, l-iżvilupp ta’ prinċipji u regoli adegwati dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali sar kompitu fundamentali kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għal regolaturi oħra fid-dinja, sabiex il-politiki fiskali jiġu modernizzati u adattati għall-ħtiġijiet attwali u futuri.

2.3.

Il-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti huwa mibni fuq soluzzjoni b’żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw minn ekonomija dejjem aktar diġitalizzata u globalizzata.

2.4.

Il-Pilastru 1 ser ikollu l-għan li jiżgura distribuzzjoni aktar ġusta tal-profitti u d-drittijiet ta’ tassazzjoni fost il-pajjiżi fir-rigward tal-akbar intrapriżi multinazzjonali, u speċjalment il-kumpaniji diġitali. Il-Pilastru 1 prinċipalment ser jirrikjedi li n-negozji multinazzjonali jħallsu xi wħud mit-taxxi tagħhom fuq l-introjtu fejn jinsabu l-konsumaturi u l-utenti tagħhom, u b’hekk tinħoloq rabta bejn il-profitti u l-postijiet fejn jinsabu l-utenti u l-konsumaturi korrispondenti.

2.5.

Il-ftehim li jiġi riallokat il-profitt taħt il-Pilastru 1 jinkludi t-tneħħija u l-imblukkar tat-taxxi fuq is-servizzi diġitali u miżuri simili rilevanti oħra, li jġibu fi tmiemhom it-tensjonijiet kummerċjali li jirriżultaw mill-instabbiltà tas-sistema internazzjonali tat-taxxa.

2.6.

Il-Pilastru 2 għandu l-għan li jiżgura li l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar, speċjalment dawk diġitalizzati, iħallsu rata tat-taxxa korporattiva effettiva minima ta’ 15 %, skont qafas regolatorju li jkun kapaċi jiskoraġġixxi t-trasferiment tal-profitti u jipprevjeni kompetizzjoni tat-taxxa detrimentali fost il-ġurisdizzjonijiet. Għalhekk, limitazzjoni fuq il-kompetizzjoni fuq it-taxxa korporattiva tista’ titneħħa b’mod effettiv, u b’hekk tinkiseb rata tat-taxxa korporattiva minima globali, użata mill-pajjiżi biex jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex kemm jista’ jkun malajr jilħqu ftehim politiku dwar dawn ir-regoli, u jiddispjaċih li għadu ma ntlaħaqx kunsens finali.

2.7.

Intlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 2 u l-Qafas inklużiv fil-kuntest tal-OECD/G20 u t-traspożizzjoni tagħhom twettqet kif dovut mill-istituzzjonijiet tal-UE permezz ta’ Proposta għal Direttiva, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill (1).

2.8.

Kunsens internazzjonali kondiviż f’dan ir-rigward għadu qed jinbena fil-kuntest tal-OECD/G20, kif ikkonfermat mill-konsultazzjoni reċenti tal-OECD dwar il-Pilastru 1 li qed tiġbor feedback pubbliku dwar l-abbozz ta’ regoli, anke jekk tali regoli ma jirriflettux kunsens dwar is-sustanza tad-dokument (2).

2.9.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta leġiżlattiva dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali fl-2018, li ma tmexxietx ’il quddiem prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ kunsens internazzjonali u kondiviż b’mod wiesa’ dwar ir-regoli li għandhom jiġu implimentati taħt il-Pilastru 1.

2.10.

Sadanittant, l-istituzzjonijiet tal-UE approvaw l-Att dwar is-Swieq Diġitali li għandu l-għan li jirregola l-istruttura kompetittiva tas-swieq diġitali. F’dan ir-rigward, l-UE adottat approċċ regolatorju oriġinali u komprensiv, li huwa differenti minn dawk imħaddna minn blokok kummerċjali ewlenin oħra, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina u pajjiżi emerġenti oħra.

2.11.

Il-KESE jqis li, b’segwitu tal-eżempju tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, l-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fir-rigward tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali. Madankollu, rwol bħal dan għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali milħuq mill-OECD/G20, kif diġà ġara għall-Pilastru 2.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li, fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, kwalunkwe bidla fir-regoli dwar id-distribuzzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni fuq il-profitti fost il-pajjiżi trid tkun ikkoordinata fuq livell globali, sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, b’governanza u regoli globali adatti u effettivi. Is-soluzzjonijiet konkreti mfassla għalhekk iridu jkunu l-konsegwenza ta’ ftehim internazzjonali wiesa’ li jinkludi kemm jista’ jkun ġurisdizzjonijiet tat-taxxa possibbli. Barra minn hekk, l-impatti u l-implikazzjonijiet differenti tar-regoli l-ġodda fuq Stati Membri żgħar, minn naħa waħda, u Stati Membri akbar, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu kkunsidrati kif dovut.

3.2.

Il-KESE japprezza l-evoluzzjoni sinifikanti tal-ekonomija kkawżata mid-diġitalizzazzjoni u l-effetti pożittivi tagħha fuq is-soċjetà tagħna, kif ukoll il-potenzjal kbir tad-diġitalizzazzjoni biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li sservi bħala għodda biex jingħataw servizzi aħjar lill-baġits nazzjonali u liċ-ċittadini. L-UE ser tkun meħtieġa tgħin u tikkoordina l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri biex ilaħħqu mas-sistema l-ġdida u kuntest ekonomiku li qed jinbidel malajr.

3.3.

Il-KESE jaqbel mas-sejba tar-Rapport Finali tal-2015 imħejji mill-OECD/GS dwar l-Azzjoni 1 dwar l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti, u josserva li l-ekonomija diġitali qed issir dejjem aktar hi stess l-ekonomija nnifisha. Id-diġitalizzazzjoni ta’ ħafna negozji matul is-snin kienet impressjonanti u dan il-proċess żdied matul il-lockdowns reċenti minħabba l-COVID-19. Tendenza bħal din spiss twassal għal separazzjoni bejn il-profitti vasti miksuba mill-pjattaformi diġitali u l-postijiet fiżiċi fejn jinsabu l-utenti li jħallsu u l-konsumaturi relatati. Fil-futur, dan il-fenomenu jista’ jiġi indirizzat ukoll fir-rigward tal-obbligi tas-sigurtà soċjali.

3.4.

Ladarba jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 1 tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 u jinstab bilanċ bejn id-diversi pożizzjonijiet espressi s’issa, il-KESE jissuġġerixxi li l-Pilastru 1 — bħalma diġà ġara bil-Pilastru 2 — jista’ wkoll jiġi implimentat malajr fl-UE, f’koordinazzjoni ma’ msieħba kummerċjali ewlenin oħra, u b’hekk jiġi kkonsolidat is-suq intern f’konformità mal-Artikoli 113-115 tat-Trattat.

3.5.

Il-KESE jqis kruċjali li kemm il-Pilastru 1 kif ukoll il-Pilastru 2 jiġu implimentati fl-UE hekk malli dan ikun fattibbli, u b’livell għoli ta’ konsistenza mal-ftehim internazzjonali nnegozjat fi ħdan l-OECD/G20. Il-Pilastri 1 u 2 għandhom jitqiesu bħala pakkett regolatorju komprensiv u reċiprokament integrat, li għandhom jiġu implimentati malajr fl-UE.

3.6.

Il-KESE jinnota li inizjattiva leġiżlattiva Ewropea dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għas-suq intern, u bla dubju tirriżulta f’qafas aktar effiċjenti meta mqabbel ma’ inizjattivi nazzjonali separati. L-introduzzjoni ta’ regoli mhux koordinati u separati mill-Istati Membri, li jsegwu prinċipji u kriterji differenti ta’ tassazzjoni, iżżid il-frammentazzjoni fl-UE, tiġġenera inċertezza dwar it-taxxa u xxekkel il-kompetittività. Il-KESE jħeġġeġ mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bil-għan li jippermetti lill-Istati Membri jsolvu kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu.

3.7.

Il-ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 1 għandu jkollu l-għan li jikseb sistema effettiva ta’ tassazzjoni, li tirrispetta l-prinċipji tan-newtralità u tat-trattament ugwali u kapaċi (i) tippreserva l-potenzjal tal-innovazzjoni minqux fl-ekonomija diġitali, minn naħa, u (ii) li tiżgura li n-negozji diġitalizzati ħafna jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom għall-baġits nazzjonali, min-naħa l-oħra.

3.8.

Il-KESE jappella għal ftehim internazzjonali dwar il-Pilastru 1 li jżomm lura, kemm jista’ jkun, minn regoli kumplessi żżejjed u li jkollu l-għan li jikseb it-trasparenza, il-prevedibbiltà u s-semplifikazzjoni amministrattiva, u b’hekk l-ispejjeż tal-konformità jibqgħu baxxi. Sistema kkumplikata żżejjed tista’ tabilħaqq toħloq opportunitajiet biex jiġu evitati r-regoli li jkunu għadhom kif ġew miftiehma, u b’hekk titnaqqas l-effettività tagħhom.

3.9.

Il-KESE jenfasizza li liġijiet internazzjonali dwar it-taxxa mfassla kif imiss dwar in-negozji diġitali huma funzjonali biex jipprevjenu prattiki tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll fit-tfassil ta’ sistema ġusta, progressiva, stabbli u effiċjenti ta’ tassazzjoni.

3.10.

Il-KESE jenfasizza li l-Pilastru 2, min-naħa tiegħu, ser jintroduċi b’mod effettiv iż-żewġ regoli nazzjonali li għandhom jiġu imposti, u b’mod aktar speċifiku:

A.

regoli nazzjonali interkonnessi (ir-Regoli Globali kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa) li jinkludu: (i) Regola dwarl-Inklużjoni tal-Introjtu, li timponi taxxa supplimentari fuq kumpanija omm fir-rigward tal-introjtu intaxxat baxx ta’ entità kostitwenti; (ii) Regola ta’ Pagament Sottointaxxat, li tiċħad it-tnaqqis jew tirrikjedi aġġustament ekwivalenti sal-punt li l-introjtu intaxxat baxx ta’ entità kostitwenti ma jkunx soġġett għat-tassazzjoni skont ir-Regola dwar l-Inklużjoni tal-Introjtu;

B.

regola bbażata fuq trattat (ir-Regola “Soġġett għat-Taxxa” li tippermetti lill-ġurisdizzjonijiet tas-sors jimponu tassazzjoni tas-sors limitata fuq ċerti pagamenti ta’ partijiet relatati soġġetti għal taxxa taħt rata minima.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-profitt korporattiv. Fis-snin reċenti, xi kumpaniji setgħu jagħmlu użu minn regoli speċifiċi dwar it-taxxa f’ċerti Stati Membri, u dan naqqas ir-rata tat-taxxa effettiva tagħhom. Nuqqas ta’ trasparenza kkontribwixxa għal tali eżitu u diversi każijiet sensittivi involvew kumpaniji multinazzjonali attivi fil-qasam tas-servizzi diġitali.

4.2.

Il-KESE jemmen li qafas regolatorju adatt għall-intaxxar tal-ekonomija diġitali għandu jqis id-dipendenza qawwija minn assi intanġibbli li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni. Dawn l-assi żiedu ħafna l-kapaċità tal-kumpaniji li jiżviluppaw attivitajiet kummerċjali sinifikanti f’ġurisdizzjoni mingħajr ma jkunu preżenti fiżikament hemmhekk. Ir-regoli u l-prinċipji attwali tat-taxxa internazzjonali għandhom jiġu adattati għal dan il-kuntest ekonomiku ġdid.

4.3.

Il-KESE jirrimarka li n-negozji diġitali jiddependu ħafna minn assi intanġibbli għall-ħolqien tal-kontenut, b’mod partikolari billi jużaw u jisfruttaw id-data tal-utenti biex jiġġeneraw il-valur. Dan il-metodu ta’ ġenerazzjoni tal-valur ma jinqabadx mis-sistemi attwali tat-taxxa, u dan joħloq diskrepanza bejn il-ħolqien tal-valur u t-tassazzjoni. Din il-kwistjoni speċifika għandha tiġi indirizzata kif dovut fil-kuntest tal-Pilastru 1.

4.4.

Il-KESE jtenni li huwa importanti ħafna li jitħaddan approċċ li ser jevita r-riskji ta’ tassazzjoni doppja, kif ukoll in-nontassazzjoni mhux intenzjonata fi kwalunkwe ġurisdizzjoni, u ser jiminimizza l-ispejjeż ta’ konformità għall-kumpaniji Ewropej. F’dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-Pilastru 1 u r-regoli mmirati lejn it-traspożizzjoni tiegħu għandhom jarmonizzaw l-inizjattivi differenti li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, peress li dawn id-differenzi jistgħu jwasslu għal diskrepanzi u lakuni.

4.5.

Il-KESE jfakkar li wieħed mill-fatturi ewlenin li jsostni u jimmotiva t-tentattiv kumpless biex jinkiseb kunsens globali dwar il-proposta tal-Pilastru 1 tal-OECD huwa l-proliferazzjoni ta’ taxxi diġitali unilaterali u l-potenzjal konness għal ġurisdizzjonijiet multipli li jitolbu drittijiet ta’ tassazzjoni f’varjetà ta’ modi differenti u xi drabi sovrapposti fuq l-istess profitti.

4.6.

Għalhekk, il-Pilastru 1 għandu jiggarantixxi li jitneħħew it-taxxi nazzjonali fuq is-servizzi diġitali u miżuri simili oħra fuq il-kumpaniji. Dan huwa kruċjali biex jiġi żgurat il-kunsens ta’ diversi ġurisdizzjonijiet ewlenin dwar il-Pilastru 1 u biex jiġu evitati r-regoli l-ġodda li, fil-futur, jistgħu jiġu kkontestati bħala “diskriminatorji” skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’konsegwenzi mhux intenzjonati minn perspettiva kummerċjali internazzjonali.

4.7.

Il-KESE jittama sinċerament li jista’ jintlaħaq malajr kemm jista’ jkun ftehim internazzjonali vijabbli dwar il-Pilastru 1 u jiddispjaċih dwar ir-restrizzjonijiet dejjiema li qed jipprevjenu li ftehim bħal dan jiġi finalizzat.

4.8.

Il-KESE jqis li, ladarba jiġu implimentati l-Pilastri 1 u 2, is-servizzi pprovduti permezz tal-pjattaformi użati mill-konsumaturi Ewropej għandhom jiġu inkorporati bis-sħiħ fis-sistema tal-VAT, bħala komponent essenzjali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-taxxa li jikkonċernaw l-ekonomija diġitali. Għandu jiġi nnutat li s-servizzi tal-komunikazzjoni diġitali u l-klijenti tan-networks soċjali jaċċessaw dawn is-servizzi mingħajr ebda ħlas apparenti, li jqajjem il-kwistjoni dwar kif tista’ tiġi applikata b’mod raġonevoli l-VAT. L-introjtu mill-VAT jirrappreżenta riżorsi proprja fil-baġit tal-UE u l-KESE jqis li huwa importanti li jiġu inklużi wkoll is-servizzi diġitali fil-bażi tat-taxxa.

4.9.

Il-KESE jqis li hemm bżonn li jinstab bilanċ raġonevoli bejn ir-riallokazzjoni tat-taxxi fuq il-profitti korporattivi fost il-pajjiżi li huma esportaturi netti u l-pajjiżi li huma importaturi netti, kif ukoll fost il-pajjiżi tal-produtturi u tal-konsumaturi, sabiex ma tiġix ipperikolata l-possibbiltà li l-pajjiżi jilħqu, fost affarijiet oħra, l-objettivi soċjali u ambjentali tagħhom.

4.10.

Il-KESE jinnota li d-diġitalizzazzjoni mhijiex biss ta’ sfida, iżda toħloq ukoll opportunitajiet għall-awtoritajiet tat-taxxa. Ammonti kbar ta’ data minn partijiet terzi disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa jippermettu li jkun awtomizzat ammont akbar ta’ rappurtar, u dan iwassal biex iż-żewġ naħat jiffrankaw il-ħin u l-flus. Il-ġbir tad-data jista’ jintuża wkoll biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ rappurtar, l-evażjoni jew il-frodi. Is-soluzzjonijiet tas-software użati minn diversi amministrazzjonijiet tat-taxxa biex tiġi rreġistrata data dwar il-bejgħ fil-mument li ssir tranżazzjoni — u li tista’ tintbagħat direttament lill-awtoritajiet tat-taxxa — diġà żiedu b’mod sinifikanti l-introjtu mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ xi pajjiżi.

4.11.

Fl-aħħar nett, għal aktar għarfien dettaljat relatat ma’ kwistjonijiet speċifiċi, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tiegħu dwar Il-pakkett leġiżlattiv kontra l-ħasil tal-flus (3), kif ukoll għaż-żewġ Opinjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa: It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21 (4)Il-ġlieda kontra l-użu ta’ entitajiet fittizji (5).

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Tassazzjoni minima effettiva tal-kumpaniji” (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 52).

(2)  OECD Consultation on the Draft Rules for Nexus and Revenues Sourcing Under Pillar 1, — Amount A, l-4 ta’ Frar 2022 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-pakkett leġiżlattiv kontra l-ħasil tal-flus” (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 89).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21” (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 40).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ġlieda kontra l-użu ta’ entitajiet fittizji” (ĠU C 290, 29.7.2022, p. 45).


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

(2022/C 443/09)

Relatur:

Milena ANGELOVA

Talba mill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill

26.1.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

22.6.2022

Adozzjoni fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/13/13

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li s-suċċess fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod sostenibbli jinsab fit-trawwim ta’ kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja li tkopri ċ-ċiklu ta’ ħajja fl-intier tiegħu u tipprovdi miżuri mfasslin apposta skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifici ta’ kull fażi tal-ħajja. Peress li hija kwistjoni ta’ kultura, din ma tistax tinħoloq sempliċement permezz ta’ politiki u miżuri uniċi iżda tirrikjedi rikonoxximent, sjieda u impenn kostanti mill-atturi kollha tas-soċjetà.

1.2

Kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja trid tiġi kkultivata sa mit-tfulija bikrija billi jingħata eżempju lit-tfal fi ħdan il-familja, u titkompla fil-kindergarten u matul il-fażijiet kollha tal-iskola. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri, permezz tal-politika ta’ edukazzjoni tagħhom, biex isaħħu t-tagħlim newtrali għall-ġeneru rigward kemm il-ħiliet ta’ għarfien u anke ta’ soċjetà, kif ukoll kuntesti ta’ tagħlim ħielsa mill-istereotipi marbutin mal-ġeneru.

1.3

Bil-għan li tkompli tiġi sostnuta l-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li titrawwem fl-attivitajiet kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, inkluż in-negozji, is-servizzi pubbliċi u l-ħajja politika. Il-KESE jemmen li ż-żamma sistematika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’diversi kuntesti hija mezz neċessarju biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni u l-KESE, flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, iniedu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni wiesgħa biex jippromovu l-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol ċentrali kemm tal-midja tradizzjonali kif ukoll soċjali bħala pjattaformi għat-tiswir tal-attitudnijiet.

1.5

Il-kampanja għandha tiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-istat u l-progress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri inkwistjoni u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jispiraw lil xulxin u jaqsmu prattiki tajbin. L-atturi politiċi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-organizzazzjonijiet pubbliċi wkoll għandhom jagħtu l-eżempju biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet tagħhom stess.

1.6

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’termini ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali hija kruċjali, meta jitqies l-impatt notevoli tad-deċiżjonijiet politiċi fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Sabiex jiżdied in-numru ta’ politiċi nisa fil-livelli kollha jeħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-votanti, kif ukoll dak tal-partiti li jinnominaw il-kandidati u li titrawwem kultura li tħeġġeġ u tippermetti lin-nisa jkollhom parti attiva fil-ħajja politika.

1.7

Peress li t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitlob li jiġu introdotti miżuri f’diversi oqsma ta’ politika, il-KESE jtenni l-appell tiegħu lil dawk li jfasslu l-politiki fil-livelli adegwati biex isegwu l-prinċipju ta’ integrazzjoni tal-ġeneru u jinkludu l-aspett tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-deċiżjonijiet kollha, inklużi dawk dwar l-investiment u l-finanzjament, kif ukoll fl-akkwist pubbliku.

1.8

Fid-dawl tal-isfidi kkawżati minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u l-ħtieġa li tkun żgurata forza tax-xogħol b’ħiliet, l-inklużività tas-swieq tax-xogħol qed issir kulma jmur aktar importanti. Għaldaqstant, it-tneħħija ta’ kwalunkwe ostakli u l-għoti ta’ inċentivi għall-parteċipazzjoni ġenerali tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, lil hinn mill-professjoni, il-kompitu jew l-età, hija kruċjali. Pereżempju, arranġamenti tax-xogħol flessibbli, liv tal-ġenituri u t-tassazzjoni, kif ukoll tipi oħrajn ta’ inċentivi, jaqdu rwol fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Apparti kwalunkwe oqfsa leġiżlattivi, il-modalitajiet prattiċi għandhom jiġu stabbiliti bl-użu tal-possibbiltajiet ta’ negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali.

1.9

Peress li l-irkupru ta’ wara l-pandemija jeħtieġ li jseħħ f’konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-kompetenzi STEM qegħdin isiru kulma jmur aktar essenzjali. Mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-prevenzjoni tas-segregazzjoni, huwa importanti li l-bniet jiġu attirati biex jistudjaw aktar suġġetti STEM, filwaqt li aktar subien jiġu attirati biex jistudjaw u japplikaw għal professjonijiet ta’ kura u edukazzjoni. Dawn l-aspetti għandhom jiġu integrati fil-miżuri relatati mal-gwida għall-karrieri u ż-żamma tal-persunal.

1.10

Il-KESE jaħseb li huwa vitali li tiġi promossa t-tmexxija min-nisa fin-negozji, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali. Huwa jistieden lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet tan-negozju u lill-imsieħba soċjali biex iniedu programmi ta’ taħriġ u ta’ mentoraġġ immirati lejn mexxejja u kandidati nisa għal diretturi f’organizzazzjonijiet pubbliċi jew għal pożizzjonijiet f’bordijiet u f’karigi eżekuttivi għoljai fin-negozji, fit-trade unions u f’organizzazzjonijiet privati. Huwa jilqa’ l-ftehim politiku li ntlaħaq reċentement bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar id-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneru fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati f’borża, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jipproċedu malajr biex jimplimentawha minnufih u b’mod effiċjenti.

1.11

Għandu jitneħħa wkoll kwalunkwe ostaklu għall-intraprenditorija tan-nisa. Peress li l-aċċess għall-finanzi huwa prerekwiżit għall-intraprenditorija, għandu jiġi żgurat aċċess ugwali min-nisa kemm għal finanzjament privat kif ukoll pubbliku. Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri jindirizzaw l-investiment pubbliku adegwat fi proġetti li jsaħħu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż fl-infrastruttura diġitali u tal-kura.

1.12

Il-KESE jappella sabiex tingħata attenzjoni adegwata lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-indirizzar tal-kwistjoni tar-refuġjati Ukreni. Dan japplika għall-appoġġ lit-tfal biex jaċċessaw il-kura u l-edukazzjoni, l-integrazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol permezz ta’ impjieg ta’ kwalità, u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Din l-Opinjoni hija risposta għat-talba tal-Presidenza Ċeka biex il-Kumitat janalizza l-progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għodda u miżuri biex tissaħħaħ minn diversi perspettivi, bħal wara l-pandemija, l-irkupru u l-impjiegi, l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-intraprenditorija u t-tmexxija korporattiva, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll il-kwistjoni tal-migrazzjoni u r-refuġjati, inkluż minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Dawn il-kwistjonijiet diġà ġew indirizzati fl-Opinjonijiet eżistenti tal-KESE u ħafna aktar aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri qed jiġu indirizzati wkoll f’Opinjonijiet oħrajn tal-KESE (1), li jkopru kwistjonijiet relatati ma’ eż. il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagament, l-infrastruttura għall-kura, il-faqar u l-faqar enerġetiku, u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

2.2

Id-diskriminazzjoni endemika, inkluż diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru, hija kawża ewlenija għaliex xi nies jitħallew jibqgħu lura. Il-KESE jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija msejsa fuq il-valuri tal-UE (2) u l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tirrikjedi approċċ olistiku u orizzontali. Is-suċċess fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’mod sostenibbli jinsab fit-trawwim ta’ kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja li tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja fl-intier tiegħu u tipprovdi miżuri mfasslin apposta skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull fażi tal-ħajja.

2.3

Kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja trid titrawwem sa mit-tfulija bikrija billi jingħata eżempju lit-tfal fil-familja, jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-obbligi ugwali ta’ kull membru tal-familja, tintwera mġiba tolleranti bħala n-norma, u jiġu rispettati l-ispazju u l-ħin privati ta’ kulħadd. Għandu jiġi evitat kull preġudizzju rigward it-tqassim tal-attivitajiet, il-kompiti u x-xogħol fil-familja bħala “femminili” u “maskili”, kif ukoll it-turija jew it-tagħlim ta’ kwalunkwe tip ieħor ta’ mġiba mhux ugwali. Dan għandu jinkiseb abbażi ta’ tagħlim bi twettiq prattiku u għandu jinbeda kmieni billi l-kura tat-trabi u tat-tfal żgħar tinqasam b’mod ugwali bejn iż-żewġ ġenituri – b’attitudni ta’ appoġġ b’tali mod li t-tnejn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet rispettivi tagħhom għall-privatezza, ix-xogħol u l-mistrieħ. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jappoġġjaw liż-żewġ ġenituri biex jikkombinaw il-ħajja privata u professjonali tagħhom u jipprovdu lill-familji b’għażliet adegwati. Hawnhekk, l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata u l-iżgurar ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal aċċessibbli u affordabbli huma ta’ importanza kbira.

2.4

L-integrazzjoni tat-tfal fis-soċjetà tibda malli jibdew jattendu ċ-ċentri għall-indukrar tat-tfal u mbagħad il-kindergarten. Għaldaqstant, dawn it-tipi ta’ faċilitajiet ta’ kura jridu jiżviluppaw tagħlim u taħriġ b'saħħithom tal-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja. Is-sempliċi fatt li ħafna minn dawn il-faċilitajiet jimpjegaw prinċipalment ħaddiema nisa jkompli jsaħħaħ l-isterjotip jew it-twemmin li t-trobbija tat-tfal u l-kura tagħhom hija kompitu tan-nisa.

2.5

Il-pass ewlieni li jmiss huwa li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b’tagħlim newtrali għall-ġeneru, u kuntesti ta’ apprendiment ħielsa mill-isterjotipi tal-ġeneru matul is-snin skolastiċi. L-importanza ta’ dan hija sottovalutata f’ħafna Stati Membri. Pereżempju, it-trawwim tal-interess tat-tfal fis-suġġetti STEM abbażi ta’ kif jirrispondi moħħhom, u mhux tal-ġeneru tagħhom, huwa kruċjali biex jiġi żgurat li t-talent u l-potenzjal tagħhom jiġu stimulati, żviluppati u sfruttati bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-fażijiet sussegwenti ta’ ħajjithom. Apparti mill-aspett tal-għarfien, daqstant ieħor huwa importanti li jiġi żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet soċjali u ħiliet oħra meħtieġa u jiżviluppaw intelliġenza emozzjonali b’mod newtrali għall-ġeneru, mingħajr ma jiġu imposti kunċetti definiti jew preġudizzji. Dan japplika wkoll tbegħid mill-isterjotipi tal-ġeneru relatati mal-apparenza.

2.6

It-trawwim tal-awtostima u tal-kunfidenza personali fit-tfal u ż-żgħażagħ hija element essenzjali ta’ kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja, li tista’, fl-aqwa xenarju, tiġġenera prospettiva pożittiva li tħejji l-pedamenti għall-perċezzjoni u t-twettiq tal-ugwaljanza għall-bqija ta’ ħajjithom.

2.7

L-għoti ta’ gwida għall-karriera li tirrispetta l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandu rwol importanti fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-għajnuna għall-iżvilupp tal-karriera u ż-żamma tal-impjiegi, u l-prevenzjoni tas-segregazzjoni b’rabta mal-istudji u l-professjonijiet. Filwaqt li huwa importanti li l-bniet jiġu attirati biex jistudjaw is-suġġetti STEM, huwa importanti wkoll li jiġu attirati aktar subien biex jistudjaw u japplikaw għall-professjonijiet tal-edukazzjoni u tal-kura, speċjalment fid-dawl taż-żieda fil-ħtiġijiet tal-kura tal-popolazzjoni li qed tixjieħ (3).

2.8

Sabiex il-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja tiġi sostnuta matul il-fażi kollha tal-età adulta, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li titrawwem kemm fil-ħajja familjari, u fi kwalunkwe attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, inklużi n-negozji, is-servizzi pubbliċi u l-ħajja politika. Peress li hija kwistjoni ta’ kultura, din ma tistax tinħoloq permezz ta’ politiki u miżuri uniċi iżda tirrikjedi rikonoxximent, sjieda u impenn kostanti mill-atturi kollha tas-soċjetà. L-approċċ Żvediż, fejn il-gvern “iddikjara lilu nnifsu gvern femminista” huwa eżempju wieħed ta’ kif jiġi żgurat li l-għarfien u l-esperjenza kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa jintużaw biex jiġi promoss il-progress fl-aspetti kollha tas-soċjetà (4).

2.9

Il-KESE jemmen li ż-żamma sistematika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’diversi kuntesti, billi jiġi żgurat il-qafas legali u ta’ politika adatt, hija mezz neċessarju biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri, appoġġjati mill-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u flimkien mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, iniedu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni wiesgħa biex jippromovu l-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol ċentrali kemm tal-midja tradizzjonali kif ukoll dik soċjali bħala pjattaformi għat-tiswir tal-attitudnijiet, eż. permezz tar-reklamar.

2.10

Il-kampanja għandha tiġbed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għall-istat u l-progress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Istati Membri inkwistjoni, imkejla mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, pereżempju. Għandha tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex ikunu ta' ispirazzjoni għal xulxin u jaqsmu prattiki tajbin. L-amministrazzjoni pubblika u l-organizzazzjonijiet pubbliċi wkoll għandhom jagħtu l-eżempju biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet tagħhom stess. Bħala prattika tajba, il-KESE jirrakkomanda li dawn l-atturi – kif ukoll it-trade unions, min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili – jippubblikaw iċ-ċifri relatati mal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet maniġerjali u superviżorji tagħhom. Sabiex il-perċezzjoni pożittiva titwassal lis-soċjetà kollha, il-kampanja għandha tindirizza b’mod speċjali rġiel u subien b’messaġġi konvinċenti dwar il-benefiċċji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

2.11

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’termini ta’ parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u muniċipali hija kruċjali, meta jitqies l-impatt notevoli tad-deċiżjonijiet politiċi fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Sabiex jiżdied in-numru ta’ politiċi nisa jeħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-votanti, kif ukoll dak tal-partiti li jinnominaw il-kandidati.

2.12

Peress li t-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jitlob li jiġu introdotti miżuri f’diversi oqsma ta’ politika, il-KESE jtenni l-appell tiegħu lil dawk li jfasslu l-politiki fil-livelli adegwati biex isegwu l-prinċipju ta’ integrazzjoni u jinkludu l-aspett tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-deċiżjonijiet kollha, inklużi deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-finanzjament, kif ukoll fl-akkwist pubbliku. L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri teħtieġ ukoll li tiġi mmonitorjata u evalwata b’mod adegwat. Barra minn hekk, huwa meħtieġ approċċ olistiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’enfasi speċjali fuq fejn il-ġeneru jkun ikkombinat ma’ karatteristiċi oħrajn pereżempju diżabbiltà, oriġini etnika, ġenitur wieħed, status soċjoekonomiku, età jew orjentazzjoni sesswali.

2.13

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jagħmlu użu attiv mix-xogħol siewi li sar mill-EIGE, pereżempju fir-rigward ta’ data u statistika diżaggregata skont il-ġeneru. Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza tal-inklużjoni attiva tal-imsieħba soċjali fir-rigward tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, peress li f’ħafna modi hija marbuta direttament mas-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. In-negozjar kollettiv huwa strument ewlieni biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dinja tax-xogħol. Huwa importanti wkoll li l-KESE jintuża bħala pjattaforma attiva għall-ħidma fuq it-trawwim tal-kultura tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja.

3.   Kummenti speċifiċi — l-impjiegi fl-irkupru ta’ wara l-pandemija

3.1

Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 affettwat kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel, l-impatti kienu differenti u hemm ir-riskju li l-effetti tal-kriżi jipperikolaw il-progress miksub f’dawn l-aħħar għaxar snin fir-rigward tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-Istati Membri. Minbarra li affettwat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-pandemija laqtet lin-nisa aktar minħabba t-telf tal-impjieg jew qgħad temporanju, peress li s-setturi ddominati minn ħaddiema nisa kienu affettwati b’mod partikolari (5). L-intraprendituri nisa kienu wkoll ħafna iktar probabbli li jirrappurtaw l-għeluq ta’ negozju minħabba l-pandemija. L-akbar differenza bejn il-ġeneri kienet rappurtata fl-Ewropa u fl-Amerka ta’ Fuq, fejn in-nisa kellhom 50 % aktar probabbiltà li jirrappurtaw għeluq mill-irġiel (6).

3.2

Mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità, sfida ewlenija fl-irkupru ta’ wara l-pandemija hija li jiġi żgurat li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu sensittivi għall-ġeneru u jinkludu azzjonijiet immirati biex itejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. Il-miżuri għandhom joħolqu wkoll il-kundizzjonijiet ideali għall-intraprenditorija u n-negozju, inkluż qafas ta’ appoġġ fiskali u t-tneħħija tal-ostakli għall-intraprenditorija tan-nisa.

3.3

Il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli u jiġu pprovduti inċentivi tapplika għall-parteċipazzjoni ġenerali tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, lil hinn mill-professjoni u l-kompitu. Tapplika wkoll għal nisa ta’ kull età. Filwaqt li huwa kruċjali li ż-żgħażagħ jiġu involuti fis-swieq tax-xogħol permezz tal-għoti ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, huwa importanti wkoll li jiġu pprovduti opportunitajiet lill-anzjani biex jagħtu l-kontribut tagħhom b’mod adegwat (7). Fid-dawl tal-isfidi kkawżati minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u n-nuqqas dejjem jikber ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet f’ċerti setturi, l-inklużività tas-swieq tax-xogħol qed issir kulma jmur aktar importanti anke mill-perspettiva makroekonomika.

3.4

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal traspożizzjonijiet ambizzjużi u effettivi tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata. Il-modalitajiet prattiċi għall-promozzjoni u l-iffaċilitar ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri għandhom jiġu stabbiliti fil-proċess ta’ negozjar kollettiv – li huwa l-istrument ġust biex jiġu żgurati l-aħjar soluzzjonijiet u prattiki filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-ħaddiema u n-negozji. Flimkien ma’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli u liv tal-ġenituri imħallas u flessibbli, it-tassazzjoni u inċentivi oħrajn biex in-nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol jaqdu rwol fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Ħlas adegwat għal-liv tal-paternità, speċjalment fl-ewwel xhur, iħeġġeġ lill-missirijiet jieħdu liv itwal, li jgħinhom jiżviluppaw relazzjoni aktar mill-qrib mat-tarbija u jgħinu lill-omm tirkupra, filwaqt li jtejbilha l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. It-tassazzjoni separata fuq id-dħul tal-konjuġi tikkontribwixxi biex tħeġġeġ liż-żewġ ġenituri jkunu attivi fis-suq tax-xogħol. Irid jiġi rikonoxxut ukoll li l-miżuri li jippermettu u jinkoraġġixxu x-xogħol, jikkontribwixxu wkoll għall-pensjonijiet aktar deċenti.

3.5

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol kibret f’dawn l-aħħar għaxar snin, għad hemm segregazzjoni ċara tal-ġeneri (8). L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa għadhom jippersistu, għalkemm l-Ewropa għandha l-aktar rati baxxi ta’ inugwaljanza – b’xi differenzi bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant – meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja (9). Il-KESE appella wkoll għal miżuri fil-pront biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-oqsma u s-setturi kollha, b’mod partikolari permezz ta’miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi (10), u jenfasizza li tal-ewwel jaggrava lil dawn tal-aħħar, li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għalihom.

Apparti minn hekk, il-kuntest kulturali u l-isterjotipi tradizzjonali jaffettwaw l-għażliet okkupazzjonali tan-nisa. Pereżempju, hemm ħafna aktar nisa milli rġiel li jaħdmu fl-edukazzjoni, il-kura, fis-saħħa u fis-setturi soċjali, filwaqt li l-irġiel jiddominaw setturi bħall-kostruzzjoni u l-industriji peżanti.

3.6

Fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala parti minn aġenda ta’ żvilupp industrijali inklużiv u sostenibbli, l-isforzi jeħtieġ li jiġu mmirati mhux biss lejn it-tisħiħ tal-kompetittività ta’ setturi ekonomiċi li fihom diġà hemm jaħdmu numri konsiderevoli ta’ nisa, iżda wkoll biex jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw f’setturi u rwoli ġodda. L-inklużjoni tan-nisa f’setturi u xogħlijiet ġodda li fil-passat kienu esklużi minnhom, imbagħad se tippermetti lis-setturi emerġenti li jirnexxu billi jagħmlu użu sħiħ minn settijiet ta’ ħiliet aktar rikki u diversi. L-offerta ta’ impjiegi ta’ kwalità hija rekwiżit biex jiġi żgurat li l-inugwaljanzi eżistenti bejn il-ġeneri ma jiġux perpetwati f’dawn is-setturi l-ġodda.

3.7

Is-segregazzjoni tal-ġeneru hija viżibbli wkoll fl-edukazzjoni. Filwaqt li n-nisa jiggradwaw minn edukazzjoni terzjarja u jipparteċipaw f’tagħlim tul il-ħajja, dawn jippreferu suġġetti oħrajn minflok ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinjerija u l-matematika. Meta jitqies li l-irkupru ta’ wara l-pandemija jeħtieġ li jseħħ f’konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-kompetenzi STEM jaqdu rwol dejjem aktar essenzjali. Barra minn hekk, l-importanza tal-ħiliet emozzjonali (jiġifieri personali u soċjali) flimkien mal-kompetenzi funzjonali hija essenzjali peress li din tifforma l-bażi li tippermetti r-reżiljenza, is-saħħa mentali, il-ġestjoni tal-kunflitti, il-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni fattwali. Il-fokus tal-futur żgur li jrid ikun fuq l-intelliġenza razzjonali u dik emozzjonali. Il-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja jeħtieġ li tinkludi l-edukazzjoni emozzjonali, hekk kif il-Forum Ekonomiku Dinji tal-2021 jistqarr li s-seba’ ħiliet umani ewlenin jinkludu l-kreattività, l-intelliġenza emozzjonali u s-soluzzjoni tal-problemi kumplessi (11).

3.8

Rigward it-trasformazzjoni diġitali, tista’ tiġi nnutata segregazzjoni ċara tal-ġeneru fl-edukazzjoni u fis-swieq tax-xogħol f’termini tad-distribuzzjoni ta’ dawk li jiggradwaw fl-ICT, fl-ispeċjalisti tal-ICT, u fi xjenzati u inġiniera f’setturi b’teknoloġija għolja.

3.9

L-inkoraġġiment tal-interess tal-bniet fis-suġġetti STEM huwa kruċjali għall-inklużjoni tagħhom b’suċċess fil-professjonijiet tal-futur. Apparti dan, jenħtieġu miżuri mmirati u programmi ta’ żvilupp biex jgħinuhom jattirawhom u jżommuhom f’karrieri b’rabta ma’ STEM. 10 snin oħra, 9 minn kull 10 impjiegi se jirrikjedu ħiliet diġitali (12). Il-futur tax-xogħol ser jara bidla fit-talba lejn professjonisti tat-teknoloġija bħal inġiniera tal-kompjuters u speċjalisti tal-ICT. In-nisa jikkostitwixxu 65 % tal-impjegati Ewropej iżda jikkorrispondu għal 17 % biss tal-forza tax-xogħol Ewropea tal-ICT, filwaqt li sal-2026, huwa mbassar li 57 % tal-impjiegi li se jiġu sostitwiti mit-teknoloġija se jkunu tan-nisa (13).

3.10

L-involviment tan-nisa fl-iżvilupp tal-IA huwa essenzjali wkoll sabiex jiġu evitati algoritmi li huma bbażati fuq data ppreġudikata dwar ir-realtà u li b’hekk jipprovdu riżultati ppreġudikati. Approċċ intersezzjonali huwa meħtieġ ukoll f’dan il-qasam. Barra minn hekk, peress li l-aċċess għal konnettività ta’ veloċità għolja u l-ħiliet diġitali jiffurmaw il-bażi meħtieġa għal trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess, għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, l-età, id-diżabbiltà, l-isfond soċjoekonomiku, jew il-lokalità ġeografika.

3.11

Is-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fl-oqsma tat-tekonoloġija hija problematika wkoll mill-perspettiva tat-tranżizzjoni ekoloġika, peress li l-indirizzar tal-problemi ta’ tibdil fil-klima u ambjentali jirrikjedi l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ ħafna tipi ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi.

3.12

Filwaqt li kemm il-ħiliet diġitali kif ukoll dawk ekoloġiċi jridu jitqiesu bħala parti integrali ta’ kull professjoni, dawn għandhom il-potenzjal li jattiraw liż-żgħażagħ aktar milli l-ħaddiema akbar fl-età. Min-naħa l-oħra, huwa ċar li hemm differenza bejn il-ħiliet ta’ ICT b’rabta max-xogħol, li jinkludu l-ġestjoni tad-data u l-pubblikazzjoni permezz ta' kompjuter, u l-litteriżmu diġitali li ħafna drabi huwa assoċjat maż-żgħażagħ, bħall-messaġġi u l-użu rikreattiv tal-internet.

3.13

Apparti mill-kompetenzi STEM, huwa importanti wkoll li l-bniet jiġu mħeġġa jistudjaw suġġetti ta’ ekonomija u maniġment, sabiex jiġu ppreparati għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Barra minn hekk, huwa importanti li dawn jiġu ggwidati biex jitgħallmu ħiliet intraprenditorjali u ta’ ġestjoni tar-riskju u biex isaħħu l-fiduċja fihom infushom biex jevitaw u jindirizzaw is-sindromu ta’ impostur (14). Meta wieħed iħares lejn it-tipoloġija tal-istress tan-nisa, jidher li aktar hemm tendenza lejn personalitajiet introverti, aktar milli estroverti f’sitwazzjonijiet ta’ stress. Dan jirriżulta f’nisa li ma jfittxux pożizzjonijiet esposti minħabba l-biża’ ta’ kummenti negattivi minn oħrajn, li jittieħdu mil-lat personali, ma jħossuhomx ikkwalifikati jekk ma jissodisfawx (jew jisbqux) l-ispeċifikazzjonijiet kollha f’deskrizzjoni tal-impjieg, u li ma jixtiqux ikunu “mara tal-kwota”. Ħafna drabi dan għandu rabta mat-twemmin u l-biżgħat (mhux konxji). Filwaqt li t-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi jirrikjedi miżuri prattiċi fil-livell tal-metodi ta’ tagħlim u apprendiment u ta’ gwida għall-karrieri, dawn l-għanijiet għandu jkollhom rabta wkoll mal-programm ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kultura ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri tul il-ħajja.

3.14

Aspett speċifiku li għandu jiġi indirizzat huwa l-preġudizzju abbażi tal-ġeneru fil-kura tas-saħħa, minħabba nuqqas ta’ riċerka, edukazzjoni ċċentrata fuq l-irġiel, dijanjożi ħażina u nuqqas ta’ trattament. L-injoranza dwar differenzi abbażi ta’ sess jew ġeneru fid-dixxiplini mediċi faċilment twassal għal dijanjożi jew medikazzjoni żbaljata, minħabba li s-sintomi femminili huma differenti mis-sintomi maskili, jew minħabba li d-dożaġġi tal-mediċina huma bbażati fuq provi kliniċi li prinċipalment isiru fuq l-irġiel. Hemm ukoll nuqqas ta’ riċerka dwar kundizzjonijiet speċifiċi għan-nisa, bħall-endometrijożi jew il-menopawża, u ta’ data mhux aggregata skont il-ġeneru fir-riċerka li tagħmilha diffiċli biex jiġu mifhuma l-mekkaniżmi wara kwistjonijiet tas-saħħa u xxekkel l-isforzi biex tinstab risposta adegwata għal eż. riskju ogħla għan-nisa li jiżviluppaw il-COVID fit-tul.

3.15

Sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tal-mediċina preġudikata fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol, il-KESE jenfasizza li fl-istrateġiji Ewropej kollha tas-saħħa u tal-farmaċewtika, il-preġudizzju tal-ġeneru u d-differenzi abbażi ta’ sess u ġeneru għandhom jiġu kkunsidrati u indirizzati. Barra minn hekk, id-dritt tan-nisa li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi dwar ġisimhom stess jeħtieġ li jiġi rrispettat bis-sħiħ.

4.   Kummenti speċifiċi – bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

4.1

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hija importanti ħafna għall-ekonomija u għas-soċjetà peress li hija relatata mill-qrib mal-impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol inġenerali, kif ukoll mal-karrieri u pożizzjonijiet kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat. Dan japplika għal bosta kompiti u responsabbiltajiet fin-negozji, l-amministrazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijet politiċi.

4.2

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jsarraf fi sfida akbar għan-nisa milli għall-irġiel minħabba li n-nisa jirrappreżentaw sehem akbar mix-xogħol tad-dar u r-responsabbiltajiet ta’ kura. Skont l-Indiċi dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (15) (16), il-punteġġ tal-UE naqas mill-2010 ’l hawn fid-dominju tal-ħin, li jkejjel it-tqassim tax-xogħol tad-dar u tar-responsabbiltajiet ta’ kura. Il-varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri jirriflettu differenzi fis-sistemi nazzjonali u l-kulturi familjari.

4.3

Il-pandemija żiedet il-pressjoni fuq il-familji f'termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Dan japplika b’mod speċjali għan-nisa u l-ommijiet waħedhom, filwaqt li fir-rigward tal-kura tat-tfal, hemm indikazzjonijiet ta’ diskrepanza iżgħar bejn il-ġeneri minħabba li ż-żewġ ġenituri ħadmu mid-dar (17). It-telexogħol jista’ jipprovdi ħafna opportunitajiet biex jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u koordinazzjoni aħjar tista' żżid il-valur. Madankollu, il-KESE wissa wkoll dwar il-ħtieġa li jiġi evitat li t-telexogħol ikompli jwessa’ d-diviżjoni inugwali tax-xogħol fid-dar bejn in-nisa u l-irġiel (18). Il-pandemija affettwat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta’ nisa f’diversi pożizzjonijiet, inkluż intraprendituri, diretturi u impjegati. Wieħed ma għandux jinsa li n-nisa ħafna drabi jkollhom sens differenti ta’ obbligu ta’ rendikont u responsabbiltà fir-rigward tal-“kura għal ħaddieħor”.

4.4

Ħafna fatturi marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiddependu fuq l-infrastruttura soċjali nazzjonali, li għandha rwol importanti biex tinkiseb parteċipazzjoni ogħla fis-swieq tax-xogħol u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-aktar sistemi ovvji jkopru s-sistema tal-kura, il-liv tal-ġenituri, is-sistema skolastika, u miżuri dwar l-impjiegi.

4.5

Filwaqt li jtenni s-suġġerimenti preċedenti tiegħu (19), il-KESE jqis li huwa importanti li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata b’mod ambizzjuż, effiċjenti u f’waqtu, biex jipprovdu lill-familji b’għażliet adatti u aktar ugwali, inkluża l-promozzjoni ta’ liv parentali imħallas aħjar għaż-żewġ ġenituri. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tad-Direttiva trid tikkunsidra wkoll il-ħtiġijiet tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs.

4.6

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jinvestu f’infrastrutturi tal-kura diversi, inklużi l-kura tat-tfal, kura wara l-ħin tal-iskola, kura tal-anzjani u kura għal persuni b’diżabilità, u b’hekk jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà għal kulħadd. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri, flimkien mal-imsieħba soċjali, biex ifasslu strumenti adatti, li jgħinu lill-familji jkollhom aċċess faċli u effettiv għas-servizzi tal-appoġġ u l-kura.

4.7

Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ mentalità ġdida fil-livelli kollha biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b’rabta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. It-tnaqqis u t-tkissir tal-ħsieb sterjotipiku fir-rigward tar-rwoli tal-familja huma kruċjali hawnhekk, kif ukoll prattiki ta’ impjieg li jinkoraġġixxu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

5.   Kummenti speċifiċi — tmexxija

5.1

Filwaqt li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol huma żgurati mil-leġiżlazzjoni, il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fit-tmexxija tan-negozju hija appoġġjata, mhux biss mill-għoti ta’ opportunitajiet indaqs, iżda anke mill-benefiċċji ekonomiċi u tas-soċjetà usa’ li din iġġib permezz tal-kontribut tagħha għal perspettivi, kreattività u kompetittività usa’ (20). Huwa fl-interess tal-kumpaniji li jagħmlu użu mill-edukazzjoni ogħla u mit-talenti tan-nisa billi jappoġġjaw il-preżenza tagħhom fil-bordijiet u f’pożizzjonijiet oħrajn ta’ tmexxija. Dan jirrikjedi li l-benefiċċji tad-diversità jinftiehmu sew, kif ukoll l-impatt negattiv għall-individwi u s-soċjetà li ma jippromovux id-diversità fl-oqsma kollha.

5.2

Filwaqt li għad hemm ħafna lok għal titjib, l-akbar progress fil-punteġġ tal-UE fl-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri mill-2010 ’l hawn kien fid-dominju tas-setgħa, li jkejjel il-progress fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi. L-aktar titjib notevoli kien il-preżenza akbar tan-nisa fil-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati. Dan jispjega l-parti l-kbira taż-żieda ġenerali fil-punteġġ fl-Indiċi (21).

5.3

Il-mezzi għat-tisħiħ tad-diversità tal-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji jvarjaw bejn l-Istati Membri (22) u hemm differenzi ċari f’termini tas-sitwazzjoni attwali u l-progress li sar maż-żmien. Xi Stati Membri adottaw kwoti nazzjonali obbligatorji għal kumpaniji kbar u elenkati, bi kwoti li jvarjaw minn 25 % sa 40 % (23). Min-naħa l-oħra, għadd ta’ Stati Membri jaqbżu l-medja tal-UE jew għamlu progress sostanzjali mingħajr ma kellhom kwoti, billi serrħu fuq awtoregolazzjoni. Fi Franza, fejn ġiet introdotta leġiżlazzjoni fl-2011, aktar minn 40 % tal-membri tal-bordijiet huma nisa, u tmien pajjiżi qabżu l-livell ta’ terz. Fl-istess ħin, hemm xi Stati Membri li għandhom sehem ta’ inqas minn 10 %. Is-sehem medju fl-UE huwa ta’ madwar 30 %.

5.4

Id-differenzi jorbtu wkoll ma’ kumpaniji individwali. Filwaqt li l-aqwa kumpaniji wrew progress konsiderevoli, kien hemm anqas bidla fil-qiegħ tal-klassifikazzjoni tal-kumpaniji (24). Ta’ min wieħed jinnota wkoll li għalkemm il-membri tal-bordijiet ħafna drabi huma mexxejja eżekuttivi, il-pajjiżi li għandhom l-aħjar prestazzjoni f’termini tal-proporzjon ta’ nisa li għandhom pożizzjoni ta’ CEO fil-kumpaniji l-kbar ma jidhirx li huma l-istess pajjiżi li għandhom l-aħjar prestazzjoni f'termini ta’ membri tal-bord tal-kumpaniji (25).

5.5

Għaldaqstant, ma jidhirx li hemm spjegazzjoni waħda biss għad-differenzi bejn l-Istati Membri. Dan mhuwiex sorprendenti, peress li d-differenzi fit-tradizzjonijiet u l-kulturi nazzjonali għandhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-appoġġ għall-iżvilupp pożittiv, il-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u t-tagħlim mill-esperjenzi tal-oħrajn huma importanti ferm.

5.6

Il-KESE jtenni wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni (26), u jilqa’ l-ftehim politiku li ntlaħaq reċentement bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar id-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati, propost mill-Kummissjoni fl-2012. Il-Kumitat jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jipproċedu malajr biex jimplimentawha b’mod rapidu u effiċjenti. L-Istati Membri, f’konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali, huma fl-aqwa pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-aħjar miżuri u l-miżuri l-aktar prattiċi adegwati biex jiżdied l-għadd ta’ nisa fil-bordijiet, filwaqt li jikkunsidraw li huma s-sidien ta’ kumpanija li jiddeċiedu l-kompożizzjoni ta’ bord.

5.7

Skont il-KESE huwa importanti li tiġi promossa t-tmexxija min-nisa permezz ta’ programmi komuni għal mexxejja u kandidati nisa għal pożizzjonijiet fuq bordijiet u ta’ postijiet maniġerjali għoljin, u permezz ta’ taħriġ individwali u mentoraġġ (27). Huwa jħeġġeġ lill-kumpaniji li jinvestu fi programmi bħal dawn li jistgħu jiġu appoġġjati minn finanzjament tal-UE. Il-promozzjoni tan-nisa għal pożizzjonijiet korporattivi ewlenin għandha tkun akkumpanjata wkoll minn ħlas daqs tal-irġiel li jokkupaw l-istess karigi, skont il-prinċipju ta’ paga ugwali għal impjieg ugwali, li l-KESE japprova bis-sħiħ.

6.   Kummenti speċifiċi — intraprenditorija

6.1

Fil-promozzjoni tal-intraprenditorija, irid jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kreattività u l-kapaċitajiet tan-nisa. L-intraprendituri nisa wrew ukoll li huma b’saħħithom u reżiljenti meta affaċċjati bi kriżi u kaos (28).

6.2

L-intraprendituri nisa wkoll intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija, u kellhom iġorru sehem sproporzjonat tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar, aggravati min-nuqqas ta’ servizzi tal-indukrar tat-tfal u l-lockdown. Madankollu, ħafna intraprendituri nisa rnexxielhom idawru l-kuntest ta’ negozju l-ġdid għall-vantaġġ tagħhom u jispiraw lil ħaddieħor, speċjalment lil nisa oħra, biex huma wkoll isiru intraprendituri u jibdew aktar negozji. Dan jipproduċi effetti pożittivi bħall-ħolqien tax-xogħol u l-benesseri konsegwenti.

6.3

L-Ewropa għandha fost l-aktar rati baxxi ta’ intraprenditorija tan-nisa meta mqabbla ma’ nisa f’partijiet oħra tad-dinja (5,7 % mqabbla ma’ medja dinjija ta’ 11 %). Spjegazzjoni waħda hija li n-nisa fil-pajjiżi Ewropej għandhom aktar għażliet ta’ impjiegi oħrajn, meta mqabblin ma’ partijiet oħrajn tad-dinja. Madankollu, in-nuqqas ta’ impjiegi xorta kienet l-aktar raġuni msemmija għall-bidu ta’ negozju, min-nisa aktar milli mill-irġiel (29).

6.4

L-aċċess għall-finanzjament huwa prerekwiżit għall-intraprenditorija, u jrid jiġi żgurat aċċess ugwali kemm f’termini ta’ finanzjament privat kif ukoll finanzjament pubbliku. Il-KESE jappella għall-evalwazzjoni tal-kriterji tal-finanzjament relevanti, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-intraprenditorija, kif ukoll għat-tħeġġiġ tal-investiment fi proġetti li jsaħħu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż fl-infrastruttura diġitali u tal-kura.

6.5

Fl-Ewropa hemm probabbiltà ferm ogħla li jekk in-nisa jmexxu intrapriża jkollhom inqas impjegati (bejn 1 u 5), jew inkella jaħdmu għal rashom. In-nisa li jaqgħu taħt gruppi akbar fl-età għandhom aktar probabbiltà li jmexxu intrapriżi. Filwaqt li n-nisa jqisu l-intraprenditorija bħala għażla attraenti u għalkemm bħala medja għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni, huma jesprimu sens baxx ta’ intraprenditorija, f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju, il-ħiliet meħtieġa biex jibdew negozju u li ma jibżgħux li jfallu (30).

6.6

Flimkien ma’ raġunijiet kulturali, il-problemi tat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet tax-xogħol u tal-familja jistgħu jwasslu għal din it-tip ta’ perċezzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, l-intraprendituri nisa jistgħu jkunu limitati għal ċerti setturi u joqogħdu lura milli ikabbru n-negozju tagħhom. Bil-għan li titħeġġeġ l-intraprenditorija tan-nisa, jeħtieġ li n-nisa jiġu appoġġjati biex jegħlbu dawn il-perċezzjonijiet u l-fatturi limitanti (31). F’konformità mal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-istrateġija ta’ livell għoli tal-UE biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod ġenerali tilħaq l-objettivi tagħha bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, jistgħu jiġu pprovduti aktar inċentivi permezz ta’ miżuri li jissemplifikaw il-proċeduri amministrattivi u jnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità, mingħajr ma jheddu l-livell ta’ protezzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti (32).

7.   Kummenti speċifiċi — Refuġjati Ukreni

7.1

L-invażjoni Russa fl-Ukrajna kkawżat kriżi umanitarja mingħajr preċedent, inkluż il-wasla ta’ mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati li qegħdin ifittxu ażil – prinċipalment nisa u tfal – fl-Istati Membri tal-UE. L-Istati Membri kollha, appoġġjati mis-soċjetà ċivili, qegħdin jagħmlu l-almu tagħhom biex jieħdu ħsieb u jakkomodaw lir-refuġjati u jintegrawhom fis-swieq tax-xogħol, iżda hemm ħafna sfidi li jeħtieġu soluzzjonijiet ikkoordinati aħjar (33).

7.2

Peress li l-parti l-kbira tar-refuġjati huma nisa bit-tfal, l-aċċess għal servizzi ta’ kura soċjali, ċentri għall-indukrar tat-tfal, kindergartens u skejjel huwa l-ostaklu ewlieni li qed jipprevjeni lin-nisa milli jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, li jingħeleb l-ostaklu lingwistiku, ir-rikonoxximent tal-edukazzjoni u l-kwalifiki tar-refuġjati u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet f’qasir żmien huma elementi ewlenin tal-integrazzjoni. L-iżgurar tal-mezzi meħtieġa għal xogħol mill-bogħod, bħal konnettività mal-internet u tagħmir, huma wkoll fost l-għodda meħtieġa biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

7.3

Il-KESE jappella għal approċċ aktar koordinat bejn l-Istati Membri meta jpoġġu fil-prattika l-Gwida ta’ politika dwar l-appoġġ għall-inklużjoni tar-refuġjati Ukreni fl-edukazzjoni: kunsiderazzjonijiet, prinċipji ewlenin u prattiki (34). Il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tattiva l-possibbiltajiet potenzjali kollha ta’ finanzjament, speċjalment għall-Istati Membri li jilqgħu għadd kbir ta’ refuġjati.

7.4

In-nisa waqt il-gwerra u n-nisa li qed jaħarbu mill-kunflitt huma aktar vulnerabbli għall-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali. Fil-gwerra, ħafna drabi l-istupru jintuża bħala arma. Għar-refuġjati nisa Ukreni, u b’mod partikolari għall-vittmi tal-istupru, huwa kruċjali li jkun hemm aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni, il-kontraċezzjoni ta’ emerġenza, il-kura ta’ abort sikur u l-kura ta’ trawma psikoloġika. In-nisa ma għandhom qatt jiġu mġiegħla jkomplu bi tqala mhux mixtieqa. In-nuqqas/L-assenza ta’ dawn is-servizzi fl-Istati Membri ma għandu qatt ikun raġuni biex dawn jitwaqqfu milli jitilqu minn pajjiż mhux sikur. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw aċċess għal dawn is-servizzi għar-refuġjati kollha. B’mod ġenerali, il-kura tat-trawma għal kull refuġjat jeħtieġ li tiġi offruta b’mod proattiv, inkella din hija l-bażi perfetta għal tnissil għal kunflitti sussegwenti u emozzjonijiet negattivi li jiswew ħafna lill-Istati! F’dan il-qasam, jenħtieġu offerti ta’ appoġġ ibridi u b'limitu baxx u l-finanzjament ta’ negozji ġodda bħal dawn jeħtieġ li jiġi appoġġjat b’mod konsistenti.

7.5

Kwistjoni oħra li għandha tiġi indirizzata hija l-istatus tat-tilqim tar-refuġjati – speċjalment it-tfal. Peress li l-UE għandha programmi żviluppati sew ta’ tilqim għat-tfal, ħafna mard perikoluż ġie eliminat – bħall-poliomyelitis, il-ġidri, xi tipi ta’ epatite, eċċ. Biex din il-kisba tiġi ppreservata, l-Istati Membri jridu jimmobilizzaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom, u linji gwida fil-livell tal-UE jkunu ta’ għajnuna kbira f’dan il-proċess. Komplikazzjonijiet addizzjonali joħorġu mill-fatt li f’ħafna Stati Membri l-aċċess għall-kura soċjali eż. il-kindergarten jew l-iskola, huwa soġġett għal status ta’ tilqim komplut.

7.6

Aktar ’il quddiem, ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna għandha tkun opportunità biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fost l-Ukreni, billi jissaħħu l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u l-infrastruttura soċjali u diġitali, fost affarijiet oħra.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  SOC/723 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali); ĠU C 364, 28.10.2020, p. 77; ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3, ĠU C 228, 5.7.2019, p. 103

(2)  Ara pereżempju, l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)  ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19.

(4)  https://sweden.se/life/equality/gender-equality

(5)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13.

(6)  Global Entrepreneurship Monitor.

(7)  Għal aktar aspetti relatati mal-ġeneru b’rabta mat-tixjiħ, ara wkoll ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19.

(8)  EIGE.

(9)  Indiċi tad-Differenza bejn il-Ġeneri.

(10)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 84

(11)  In-negozju ġdid diġitali, imwaqqaf min-nisa UP’N’CHANGE (www.upnchange.com) sab modi biex isarraf għarfien espert profond fil-psikoloġija u l-ikkowċjar f’għodod diġitali sempliċi biex jgħinu lin-nies jiżviluppaw ħiliet personali, soċjali u kreattivi. Il-viżjoni ta’ UP’N’CHANGE hija li l-potenzjal tal-impjegati u t-timijiet ikun sfruttat b’għodod diġitali biex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jiksbu suċċess sostenibbli. Għaliex sett tajjeb ta’ ħiliet ifisser kollaborazzjoni effettiva. Kollaborazzjoni effettiva tfisser innovazzjoni. U l-innovazzjoni tfisser tkabbir għal kulħadd.

(12)  Laqgħa Annwali tal-Forum Ekonomiku Dinji, 2020.

(13)  Ibid.

(14)  Il-fenomenu tal-impostur eż., fejn wieħed jiġi affettwat minn dubju personali dwar l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tiegħu stess, jista’ jfixkel l-applikazzjoni għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija jew pożizzjonijiet esposti. Nies li jirriflettu ħafna, b’mod speċjali, li għandhom it-tendenza li jirtiraw f’ċirkostanzi stressanti, isibu diffikultajiet iħabbtu wiċċhom ma' persuni li jipprojettaw fiduċja qawwija fihom infushom.

(15)  EIGE, https://eige.europa.eu/publications/gender-equality-index-2020-report/progress-gender-equality-most-notable-company-boards

(16)  Eurofound.

(17)  Sevilla u Smith, 2020.

(18)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 13

(19)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44

(20)  Ara wkoll ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15ĠU C 341, 21.11.2013, p. 6.

(21)  Nota statistika tal-EIGE: il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi 2020.

(22)  EIGE.

(23)  https://eige.europa.eu/news/countries-legislated-quotas-could-achieve-gender-balance-parliaments-2026-those-without-may-take-close-twenty-years

(24)  Nisa Ewropej fuq il-Bordijiet, https://europeanwomenonboards.eu/wp-content/uploads/2021/01/EWoB-Gender-Diversity-Index-2020.pdf

(25)  Sorsi differenti kkombinati mill-Kamra tal-Kummerċ tal-Finlandja, https://naisjohtajat.fi/wp-content/uploads/sites/28/2019/01/women-directors-and-executives-report-2018.pdf

(26)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 68.

(27)  Eżempju eċċellenti huwa l-programmi ta’ taħriġ u appoġġ, offruti minn WKÖ — https://www.wko.at/service/Women_in_Business.html

(28)  Women's Entrepreneurship 2020/21: Thriving Through Crisis (L-intraprenditorija tan-Nisa 2020/21: Suċċess fil-Kriżi). Ippubblikat mill-Global Entrepreneurship Research Association, London Business School, ISBN: 978-1-9160178-8-7 (mhux disponibbli bil-Malti).

(29)  Ibid.

(30)  Global Entrepreneurship Monitor.

(31)  Ara wkoll ĠU C 299, 4.10.2012, p. 24.

(32)  SME focus – Long-term strategy for the European industrial future (Fokus fuq l-SMEs – Strateġija fit-tul għall-futur industrijali Ewropew). Dipartiment Tematiku għall-Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew. Awtur: Stephanus Johannes SMIT, PE 648.776 – April 2020 (mhux disponibbli bil-Malti).

(33)  Nibnu fuq is-suġġerimenti ta’ ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9.

(34)  https://www.schooleducationgateway.eu/mt/pub/resources/publications/policy-guidance-on-refugees.htm


ANNESS

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

EMENDA 1

Imressqa minn:

ANGELOVA Milena

BLIJLEVENS René

KONTKANEN Mira-Maria

MINCHEVA Mariya

PILAWSKI Lech

VADÁSZ Borbála

SOC/731 — L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

Punt 3.5

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol kibret f’dawn l-aħħar għaxar snin, għad hemm segregazzjoni ċara tal-ġeneri (1). L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa għadhom jippersistu, għalkemm l-Ewropa għandha l-aktar rati baxxi ta’ inugwaljanza – b’xi differenzi bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant – meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja (2). Il-KESE appella wkoll għal miżuri fil-pront biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-oqsma u s-setturi kollha, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi (3), u jenfasizza li tal-ewwel jaggrava lil dawn tal-aħħar, li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għalihom.

Apparti minn hekk, il-kuntest kulturali u l-isterjotipi tradizzjonali jaffettwaw l-għażliet okkupazzjonali tan-nisa. Pereżempju, hemm ħafna aktar nisa milli rġiel li jaħdmu fl-edukazzjoni, il-kura, fis-saħħa u fis-setturi soċjali, filwaqt li l-irġiel jiddominaw setturi bħall-kostruzzjoni u l-industriji peżanti.

Filwaqt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-swieq tax-xogħol kibret f’dawn l-aħħar għaxar snin, għad hemm segregazzjoni ċara tal-ġeneri (1). L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa għadhom jippersistu, għalkemm l-Ewropa għandha l-aktar rati baxxi ta’ inugwaljanza – b’xi differenzi bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant – meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja (2). Il-KESE appella wkoll għal miżuri fil-pront biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-oqsma u s-setturi kollha, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi (3), u jenfasizza li tal-ewwel jaggrava lil dawn tal-aħħar, li n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għalihom.

Apparti minn hekk, il-kuntest kulturali u l-isterjotipi tradizzjonali jaffettwaw l-għażliet okkupazzjonali tan-nisa. Pereżempju, hemm ħafna aktar nisa milli rġiel li jaħdmu fl-edukazzjoni, il-kura, fis-saħħa u fis-setturi soċjali, filwaqt li l-irġiel jiddominaw setturi bħall-kostruzzjoni u l-industriji peżanti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

93

Kontra:

114

Astensjonijiet:

12


(1)  EIGE.

(2)  Indiċi tad-Differenza bejn il-Ġeneri.

(3)  SOC/678.

(1)  EIGE.

(2)  Indiċi tad-Differenza bejn il-Ġeneri.

(3)  SOC/678.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-571 Sessjoni Plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Sessjoni Plenarja kompletament bi preżenza fiżika, 13.7.2022–14.7.2022

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar”

(COM(2022) 143 final — 2022/0092 (COD))

(2022/C 443/10)

Relatur:

Thierry LIBAERT

Korelatur:

Gonçalo LOBO XAVIER

 

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.4.2022

 

Parlament Ewropew, 7.4.2022

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

27.6.2022

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

82/0/3

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea (KE) intiżi sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ azzjoni tal-konsumaturi favur it-tranżizzjoni ekoloġika. Huwa jfakkar li l-KE għad għandha livell għoli ta’ ambizzjoni, inkwantu dan huwa qasam b’impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali pożittiv.

1.2.

Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir dak kollu li hu possibbli sabiex l-informazzjoni titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi b’mod sistematiku, u b’mod partikolari fir-rigward tal-ispare parts u l-manwali tat-tiswija, kif ukoll fir-rigward tal-aġġornamenti tas-software previsti.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-KE tkun ambizzjuża billi tapprova l-prinċipju ta’ indiċi ta’ possibbiltà ta’ tiswija għall-prodotti kannella u bojod. Dan l-indiċi għandu jissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi kemm fir-rigward tal-varjetà tal-prodotti koperti kif ukoll tal-kriterji meqjusa.

1.4.

Apparti l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ dawn il-prodotti, il-KESE jqis li l-KE għandha tissokta bil-prinċipju ta’ viżwalizzazzjoni sempliċi u komuni dwar id-durabbiltà tal-prodotti fis-snin futuri.

1.5.

Għandu wkoll jitħeġġeġ it-taħriġ ta’ sewwejja ġodda u t-titjib tal-ħiliet tal-operaturi attwali, li huwa prerekwiżit għall-iżvilupp tat-tiswija, li huwa sors importanti ta’ impjieg għall-kontinent tagħna. Il-KESE jistieden ukoll lill-Ewropa tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-materja prima sabiex issaħħaħ il-kapaċità tagħha li ssewwi u tkun attrezzata bi spare parts. Bl-istess mod, l-Ewropa teħtieġ politika ta’ industrijalizzazzjoni mill-ġdid serja u effettiva. Il-kriżijiet reċenti żvelaw dgħufijiet li għandhom jitqiesu bħala opportunitajiet għall-irkupru.

1.6.

Minbarra l-ħtieġa li jiġi viżwalizzat il-perjodu legali tal-garanzija, jinħtieġ li l-konsumaturi jiġu protetti aħjar mill-konfużjoni bejn il-garanziji legali u kummerċjali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-garanzija, il-prevalenza tat-tiswija fuq is-sostituzzjoni b’oġġett ġdid għandha tingħata promozzjoni iżda mingħajr ma tillimita l-għażla libera ta’ rimedju tal-konsumaturi.

1.7.

Sabiex tittejjeb l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodotti, il-KESE japprova ż-żieda ta’ prattiki kummerċjali ġodda mal-lista ta’ azzjonijiet meqjusa bħala qarrieqa. Madankollu, minn tliet lati, il-KESE jitlob lill-KE sabiex tmur lil hinn mill-obbligu ta’ informazzjoni:

it-tekniki introdotti sabiex jitqassar it-tul tal-ħajja ta’ prodott: skont il-KESE, jeħtieġ li dawn il-prattiki jiġu inklużi mal-prattiki kummerċjali qarrieqa, minbarra s-sempliċi assenza ta’ informazzjoni;

l-impossibbiltà li jissewwew ċerti oġġetti: anki hawn, jistgħu jitqiesu bħala prattiki kummerċjali qarrieqa l-ostakli intenzjonali għat-tiswija, u mhux sempliċiment l-assenza ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett;

l-aġġornamenti li jistgħu jwasslu biex l-oġġett ma jaħdimx sew: f’dan ir-rigward, għandha tiġi imposta r-reversibbiltà tal-aġġornament.

1.8.

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet li tittieħed azzjoni mill-konsumatur għandu jkun akkumpanjat minn protezzjoni aħjar minn reklamar qarrieqi. F’dan ir-rigward, il-qafas legali relatat mar-reklamar għandu jinkludi aħjar l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

1.9.

B’hekk, ir-reklamar għandu jeskludi kull asserzjoni mhux iġġustifikata, kif jiġri spiss fil-qasam tan-newtralità karbonika, u kull evokazzjoni jew rappreżentazzjoni ta’ aġir li jmur kontra l-protezzjoni tal-ambjent u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. Jinħtieġ ukoll li jissaħħu l-kapaċitajiet biex jiġu kkontrollati l-asserzjonijiet ambjentali.

1.10.

Sabiex tiġi evitata kull konfużjoni u b’rispons għall-proliferazzjoni ta’ tikketti ambjentali li spiss ikunu awtoproklamati, il-Kummissjoni Ewropea għandha iktar u iktar tivvalorizza l-ekotikketta Ewropea u l-ħtieġa ta’ stadji ta’ ċertifikazzjoni fil-qasam tat-tikkettar.

1.11.

Sabiex jagħti twissija dwar il-prattiki kummerċjali qarrieqa, il-KESE jitlob lill-UE sabiex issaħħaħ il-protezzjoni ta’ dawk li jniedu t-twissija dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti.

1.12.

Fl-aħħar, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromovi sensibilizzazzjoni qawwija tal-konsumaturi dwar ir-rwol tal-konsum responsabbli.

2.   Kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1.

Il-Proposta għal Direttiva li qed tiġi eżaminata hija intiża sabiex issaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi billi temenda żewġ direttivi li jipproteġu l-interessi ta’ dawn tal-aħħar fil-livell tal-UE: id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar prattiċi kummerċjali żleali u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar drittijiet tal-konsumatur. L-għan tal-Proposta huwa li tikkontribwixxi għal ekonomija Ewropea ċirkolari, nadifa u ekoloġika, billi tippermetti lill-konsumaturi li jadottaw deċiżjonijiet ta’ xiri b’għarfien sħiħ tal-fatti u, għaldaqstant, li tikkontribwixxi għal konsum iktar sostenibbli. Il-Proposta tkopri wkoll il-prattiki kummerċjali żleali li jwasslu lill-konsumaturi għal żbalji u jfixklu l-għażla tal-konsum sostenibbli.

2.2.

Il-Proposta kienet waħda mill-inizjattivi definiti fl-aġenda l-ġdida tal-konsumatur (3) u l-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari (4) u hija segwitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (5).

2.3.

Il-Proposta tipprevedi serje ta’ miżuri sabiex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jiġi garantit li dawn tal-aħħar ikunu protetti u jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv lejn it-tranżizzjoni ekoloġika. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur attwalment tobbliga lill-kummerċjanti sabiex jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi.

2.4.

Madankollu, peress li m’hemmx obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar l-assenza ta’ garanziji kummerċjali ta’ sostenibbiltà, id-direttiva ma tinċentivax lill-produtturi biżżejjed sabiex jipprovdu tali garanziji lill-konsumaturi. L-istudji juru li, meta l-prodotti tal-konsum jiġu proposti b’garanzija kummerċjali, l-informazzjoni dwar dawn il-garanziji kummerċjali u l-metodi ta’ fatturazzjoni lill-konsumaturi spiss ikunu vagi, mhux preċiżi u mhux kompluti; għaldaqstant huwa diffiċli għall-konsumaturi li jikkomparaw il-prodotti u li jagħmlu distinzjoni bejn il-garanzija kummerċjali u l-garanzija legali (obbligatorja) (6).

2.5.

Barra minn hekk, id-direttiva ma tinkludix rekwiżiti speċifiċi għall-provvista ta’ informazzjoni lill-konsumatur dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti. Din l-informazzjoni, li tippermetti li tiġi mħeġġa t-tiswija tal-oġġetti u hija partikolarment utli sabiex tgħin lill-konsumaturi jikkontribwixxu għal ekonomija ċirkolari, hija nieqsa ħafna fil-punti tal-bejgħ. Studji reċenti juru li sa 80 % tal-konsumaturi tal-UE jiddikjaraw li sabu diffikultajiet sabiex isibu informazzjoni dwar kemm hu faċli li prodott jissewwa (7).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Illum, il-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej jilmentaw fuq nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-impatti ambjentali tal-konsum. Il-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-KE kkonfermat dan. Fl-2012, l-Ewrobarometru mwettaq dwar “l-aġir u l-attitudnijiet tal-konsumaturi Ewropej fir-rigward tal-prodotti ekoloġiċi” wera li 92 % tar-rispondenti Ewropej huma favur il-provvista ta’ informazzjoni dwar it-tul tal-ħajja tal-prodotti.

3.2.

Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa ta’ ħsara, peress li l-informazzjoni ċara u komprensibbli tippromovi tibdil fl-aġir. Dan l-effett ġie kkonfermat mill-KESE li wettaq, matul l-istudju tiegħu fost 3 000 konsumatur Ewropew, simulazzjoni tal-viżwalizzazzjoni tat-tul tal-ħajja ta’ prodotti tal-konsum li jidher fuq sit tax-xiri online. Skont dan l-istudju, il-wiri tat-tul tal-ħajja jippermetti 56 % ta’ bejgħ addizzjonali għall-prodotti b’tul ta’ ħajja twil.

3.3.

In-nuqqas ta’ informazzjoni indirizzata lill-konsumatur huwa ta’ importanza soċjali tal-ewwel grad. Id-diffikultajiet marbuta mal-kapaċità tal-akkwist jitolbu iktar u iktar li l-kategoriji soċjali medji u żvantaġġati għandhom ikunu ggwidati lejn tiswija u konsum iktar responsabbli. It-titjib tal-informazzjoni għall-konsumatur b’mezzi sempliċi jikkostitwixxi mod kif tingħata għajnuna sabiex il-konsum responsabbli jsir iktar aċċessibbli għall-persuni l-iktar vulnerabbli.

3.4.

Informazzjoni aħjar għall-konsumaturi tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-mudell ekonomiku tal-impriżi Ewropej. Fid-dawl tar-riskji ta’ dumping marbut mal-importazzjonijiet ta’ prodotti bi prezz tajjeb, il-mikrointrapriżi, l-SMEs u d-diriġenti tagħhom jistgħu jsiru iktar viżibbli fost il-konsumaturi; b’hekk huma jistgħu jivvalorizzaw il-kwalità tal-prodotti ddisinjati fl-Ewropa.

3.5.

Il-bejjiegħa bl-imnut u l-kummerċjanti fiżiċi Ewropej jistgħu wkoll jaħtfu b’mod pożittiv dawn l-iżviluppi leġiżlattivi li ġejjin, sa fejn dawn ikunu ta’ natura li jkabbru l-vantaġġ komparattiv tagħhom meta mqabbla mal-bejjiegħa online. Fil-fatt, ir-rwol ta’ konsulent moqdi mill-bejjiegħ fiżiku huwa msaħħaħ mill-informazzjoni ġdida miġjuba lill-konsumatur. Dawn l-iżviluppi huma adatti sabiex jissaħħaħ l-impjieg fl-UE. Biex tagħmel dan, l-Ewropa teħtieġ riżorsi umani adattati: il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta’ taħriġ tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

3.6.

Jekk huwa meħtieġ li tingħata informazzjoni ambjentali adattata, jeħtieġ li jiġi żgurat li titqies il-ġabra kollha ta’ impatti ambjentali. L-impatti klimatiċi, imkejla fil-forma ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għandhom post ċentrali fid-dibattitu pubbliku, iżda jikkostitwixxu biss parti mill-impatti ambjentali. B’hekk, l-analiżijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti juru li l-impatt ambjentali joriġina essenzjalment, għall-maġġoranza tal-oġġetti tal-konsum, mill-estrazzjoni tar-riżorsi u mill-manifattura tal-prodotti, li minnhom tirriżulta prijorità ambjentali ċċentrata fuq l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodotti.

3.7.

Madankollu, minħabba dawn l-aspetti kollha, il-konsum medju tal-Ewropej mhuwiex sostenibbli fuq il-livell ambjentali. Skont il-kalkolu tal-impronta ekoloġika, pereżempju, l-istil tal-ħajja ta’ ċittadin Ewropew jirrikjedi l-ekwivalenti ta’ 2,8 pjaneti.

3.8.

F’ħafna każijiet, id-disinn tal-prodotti jwassal għal tnaqqis fit-tul tal-ħajja tagħhom, minħabba l-metodi tekniċi, l-ostakli għat-tiswija jew it-tekniki tas-software. Il-ħruġ mill-użu qabel iż-żmien li jirriżulta minn dan jikkostitwixxi wieħed mill-punti prinċipali ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-konsumaturi, li huma vittmi ta’ asimmetrija qawwija ta’ informazzjoni.

3.9.

Fl-aħħar, il-KESE jinnota li l-gwerra fl-Ukrajna tagħmel it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika Ewropea iktar imperattiv. Minn din il-perspettiva, għandhom jitħeġġu l-inizjattivi li jikkontribwixxu għal tul tal-ħajja aħjar tal-prodotti, b’mod partikolari dawk marbuta mal-metalli strateġiċi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali lill-konsumaturi dwar it-tul tal-ħajja tal-oġġetti

4.1.1.

Fid-dawl tal-importanza tar-rwol tat-tul tal-ħajja tal-prodotti, jenħtieġ li tissaħħaħ l-informazzjoni għall-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni hija milqugħa b’mod favorevoli sa fejn din hija intiża li tissistematizza l-provvista tal-informazzjoni fuq id-disponibbiltà tal-ispare parts, fuq il-manwali tal-użu jew fuq il-perjodu kopert mill-aġġornamenti tas-software.

4.1.2.

Jeħtieġ jitfakkar li minkejja li l-assenza ta’ informazzjoni hija ta’ ħsara, it-tixrid ta’ wisq informazzjoni jew informazzjoni wisq teknika għandu kważi l-istess effett.

4.1.3.

Il-KESE jwissi lill-Kummissjoni dwar l-inkonvenjenti potenzjali li jistgħu jwasslu għal informazzjoni ġdida proposta permezz ta’ tikketta elettronika jew ta’ kodiċi QR. Minbarra l-impatt ambjentali diġitali addizzjonali kkawżat minn dawn it-tekniki, jeħtieġ li jitfakkar li kull stadju addizzjonali (il-ħtieġa li wieħed joħroġ l-ismartphone, jikklikkja, jaqbad…) huwa ostaklu addizzjonali għal konsum responsabbli.

4.1.4.

Il-proposta tal-Kummissjoni tinsab fid-direzzjoni t-tajba, peress li hija tgħaqqad l-interessi tal-komunikazzjoni ma’ dawk tal-ħruġ mill-użu qabel iż-żmien tal-prodotti. L-ewwel stadju sabiex tissaħħaħ l-informazzjoni għall-konsumaturi għandu jkun l-implimentazzjoni ta’ indiċi ta’ possibbiltà ta’ tiswija fuq massimu ta’ prodotti, bħal kif inhu l-każ fi Franza sa mill-2021. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ tiswija tikkostitwixxi wieħed mill-aspetti l-iktar faċli li jkejjel it-tul tal-ħajja ta’ prodott.

4.1.5.

Sabiex ilaħħaq mal-isfidi, l-indiċi ta’ possibbiltà ta’ tiswija għandu jkun iddisinjat b’mod ambizzjuż tal-inqas minn żewġ lati. Minn naħa, għandu jikkonċerna massimu ta’ prodotti elettriċi, elettroniċi u għall-użu domestiku. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà ta’ tiswija għandha tinftiehem fid-dimensjonijiet kollha tagħha, inkluż billi tiġi kkunsidrata l-ispiża tat-tiswija (prezz tal-ispare parts), id-disponibbiltà tal-ispare parts u l-kundizzjonijiet tal-appoġġ b’rabta mas-software.

4.1.6.

Għall-KESE, politika ambizzjuża ta’ informazzjoni għall-konsumatur ma għandhiex tieqaf sal-possibbiltà ta’ tiswija. Fil-fatt, l-aspettattivi tal-konsumaturi jikkonċernaw qabel kollox il-fatt li l-prodotti jiffunzjonaw għal żmien twil, u mhux li jkunu jistgħu jissewwew. Barra minn hekk, il-KESE diġà esprima ruħu dwar dan il-punt (8). L-UE għandu jkollha indikatur sempliċi li jipprovdi informazzjoni dwar it-tul tal-ħajja ta’ prodott, inkluża l-possibbiltà ta’ tiswija, iżda wkoll ir-robustezza u l-possibbiltà ta’ evoluzzjoni tal-prodotti, li indirettament se jappoġġja l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid fl-Ewropa. Dan il-prinċipju, li naturalment jeħtieġ li jiġi magħqud mal-partijiet ikkonċernati fil-modalitajiet ta’ applikazzjoni u jkun progressiv, għandu jkun inkluż fil-proposti tal-Kummissjoni, sabiex ma tiġix injorata aspettattiva maġġuri tal-konsumaturi.

4.1.7.

Hija meħtieġa ħidma addizzjonali fuq il-garanziji sabiex tissaħħaħ l-informazzjoni għall-konsumatur. Qabel xejn, il-KE għandha tikkonferma mill-ġdid prinċipju sempliċi: l-eżistenza u t-tul tal-garanzija ta’ konformità (id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9)) għandhom jintwerew kullimkien, fin-negozji fiżiċi u online, għall-oġġetti kkonċernati kollha. Fil-fatt, il-prijorità għandha tkun li jkun hemm il-kapaċità li tiġi applikata l-liġi eżistenti qabel ma jiżdiedu liġijiet ġodda.

4.1.8.

Il-KESE jinsab kuntent dwar it-teħid inkonsiderazzjoni tad-diffikultajiet li jista’ jiffaċċja l-konsumatur sabiex jiddistingwi bejn il-garanziji kummerċjali u l-garanzija legali. Huwa għaldaqstant vantaġġuż li l-KE tipprevedi li dawn il-garanziji kummerċjali ma joħolqux konfużjoni.

4.1.9.

Sabiex issaħħaħ l-effetti pożittivi tagħha fuq il-protezzjoni tal-ambjent, il-garanzija tista’ tippromovi t-tiswija ta’ oġġett u mhux sostituzzjoni tiegħu b’oġġett ġdid. L-UE tista’ tippromovi l-prevalenza tat-tiswija fuq is-sostituzzjoni f’każ ta’ ħsara, billi tiffaċilita t-tiswija u tagħmilha għażla aktar rapida u aktar konvenjenti għall-konsumaturi.

4.1.10.

B’rabta ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tista’ tikkontribwixxi, b’mod iktar qawwi, għal din l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-konsum. B’hekk, kampanji dwar ir-reazzjonijiet rapidi tajbin li għandhom jiġu adottati għal konsum responsabbli (informazzjoni, oġġetti użati, tiswija, manutenzjoni tal-prodotti) għandhom ikunu promossi, u anke mibdija mill-UE, b’mod partikolari bl-appoġġ tas-soċjetà ċivili organizzata li jista’ jkollha rwol essenzjali fil-kuntest ta’ din il-proposta.

4.2.   Tisħiħ tad-dispożizzjonijiet billi jmorru lil hinn mill-obbligu ta’ informazzjoni

4.2.1.

Billi tippenalizza biss l-assenza ta’ informazzjoni, l-Unjoni Ewropea tiftaħ it-triq għal-legalizzazzjoni ta’ dawn il-prattiki minkejja li huma inkompatibbli mal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent. M'għandux ikun biżżejjed għall-UE li tipprojbixxi l-assenza ta’ informazzjoni fuq teknika intiża li tillimita t-tul tal-ħajja ta’ prodott, hija għandha tipprojbixxi din il-prattika bħala tali. Fi kliem ieħor, ma jkunx jagħmel sens li l-UE tagħti l-messaġġ li l-ħruġ mill-użu ipprogrammat huwa awtorizzat dment li jkun akkumpanjat minn informazzjoni għall-konsumatur. Id-dispożizzjoni għandha tkun ta’ natura li tinforma b’mod ċar lill-manifatturi li fl-Ewropa, il-prodotti ma jistgħux jiġu ddisinjati sabiex jieqfu jiffunzjonaw qabel iż-żmien.

4.2.2.

Bl-istess mod, il-formulazzjonijiet l-oħra tad-direttiva jippreżentaw ir-riskju li ma jipproteġux biżżejjed lill-konsumaturi. Mhuwiex biżżejjed li l-manifattur jiġi obbligat jinforma lill-konsumatur li oġġett ma jissewwiex. Huwa n-nuqqas intenzjonali tal-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġett li għandu jkun ipprojbit bħala tali.

4.2.3.

Kif jafu l-KESE u l-KE, l-aġġornamenti tas-software spiss joriġinaw minn software li juża wisq memorja u enerġija li jnaqqsu t-tul tal-ħajja tat-tagħmir konness. Il-leġiżlazzjoni ma għandhiex tirrikjedi biss mill-manifattur li jinforma lill-konsumatur bl-effetti mhux mixtieqa ta’ aġġornament. F’dan il-każ ukoll, nistgħu faċilment nimmaġinaw kif din l-informazzjoni tista’ tinħeba fost ammont kbir ta’ informazzjoni pożittiva dwar dan l-aġġornament, li jwassal sabiex il-konsumatur jaċċetta.

4.3.   Regolazzjoni u sanzjonar tal-prattiki li jnaqqsu l-kapaċità tal-konsumaturi li jieħdu azzjoni

4.3.1.

Kif tindika ġustament il-Kummissjoni, il-prattiki ta’ greenwashing jikkostitwixxu wieħed mill-ostakli prinċipali li jostakolaw l-informazzjoni għall-konsumaturi favur it-tranżizzjoni ekoloġika. L-abbozz tad-direttiva juri ġustament il-ħtieġa li jiġu ssanzjonati l-asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi li ma jistgħux jiġu oġġettifikati jew murija.

4.3.2.

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-projbizzjoni li jintwerew tikketti ta’ tul tal-ħajja mhux soġġetti għal sistema ta’ ċertifikazzjoni formali. L-iżvilupp gradwali u kkoordinat ta’ indiċi Ewropew, propost f’din l-Opinjoni, jindirizza tajjeb din il-ħtieġa.

4.3.3.

Asserzjonijiet ambjentali oħrajn ta’ spiss jikkompromettu l-informazzjoni tajba għall-konsumatur. Huwa leġittimu li jiġi pprojbit l-użu ta’ prestazzjonijiet ambjentali meta dawn ikunu jikkonċernaw biss karatteristika waħda tal-prodott jew li huma biss applikazzjoni tal-obbligi legali jew prattiki kurrenti.

4.3.4.

Il-promozzjoni tal-konsum responsabbli jimplika wkoll it-tisħiħ ta’ tikketti li jiċċertifikaw passi ambjentali serji. F’dan ir-rigward, jirriżulta li llum it-tikketta ekoloġika Ewropea għadha użata ftit wisq, minkejja l-progress li sar. Għandhom jiġu previsti appoġġ sabiex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà ta’ din it-tikketta u kampanja ta’ komunikazzjoni adattata.

4.3.5.

B’konformità ma’ dan, il-qafas legali marbut mar-reklamar għandu jintegra aħjar il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli, anke billi jindirizza b’mod qawwi r-reklamar ta l-prodotti li jniġġsu l-iktar, abbażi tal-Opinjoni reċenti tal-KESE dwar din il-kwistjoni (10).

4.3.6.

Fl-istess spirtu, għalkemm ir-reklamar għandu jevita li juża asserzjonijiet ambjentali li jirrigwardaw prodott fl-intier tiegħu meta dawn jikkonċernaw biss ċerti elementi ta’ dan tal-aħħar, għandha tkun ipprojbita wkoll kull asserzjoni mhux iġġustifikata, bħalma jiġri spiss fil-qasam tan-newtralità karbonika, u kull evokazzjoni jew rappreżentazzjoni ta’ aġir li jmur kontra l-protezzjoni tal-ambjent u kontra l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali. Barra minn hekk, għandha tkun ipprojbita mir-reklamar kwalunkwe rappreżentazzjoni li tista’ tibbanalizza jew tippromovi prattiki jew ideat li jmorru kontra l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

4.3.7.

Sabiex jinħarġu twissijiet bikrin dwar prattiki kummerċjali qarrieqa, spiss tkun meħtieġa informazzjoni li toriġina minn dawk stess li jpoġġu prodotti fis-suq. Issa, illum, dawk li joħorġu t-twissija f’dan il-qasam mhumiex ħafna, minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjoni. Il-proċedura ta’ twissija msemmija fid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) għandha tkun tista’ tapplika għal dawk li jagħtu t-twissija.

Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jsiru effettivi b’mod sħiħ biss jekk jiġu maqbula mal-atturi ekonomiċi, li jirrappreżentaw l-intrapriżi kbar, medji u żgħar, kif ukoll mal-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u, b’mod iktar wiesa’, is-soċjetà ċivili. Il-KESE jqis li din hija politika ċentrali peress li tikkonferma mudell tas-suq kompetittiv adattat għall-interessi ambjentali, li jħares lill-konsumaturi u lill-kompetittività tal-atturi ekonomiċi Ewropej u li huwa kompatibbli mal-interessi tal-awtonomija strateġika Ewropea.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(2)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(3)  COM(2020) 696 final, 13 ta’ Novembru 2020.

(4)  COM(2020) 98 final, 11 ta’ Marzu 2020.

(5)  COM(2019) 640 final, 11 ta’ Diċembru 2019.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, Consumer market study on the functioning of legal and commercial guarantees for consumers in the EU (Studju tas-suq tal-konsumaturi dwar il-funzjonament tal-garanziji legali u kummerċjali għall-konsumaturi fl-UE), 2015. Studju imwettaq insostenn tal-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea: Study on Empowering Consumers Towards the Green Transition, Lulju 2021. Commercial warranties: are they worth the money? ECC-Net, April 2019.

(7)  Kummissjoni Ewropea, Behavioural Study on Consumers’ Engagement in the Circular Economy, 2018, p. 81.

(8)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.

(9)  Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).

(10)  ĠU C 105, 4.3.2022, p. 6

(11)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937”

(COM(2022) 71 final)

(2022/C 443/11)

Relatur:

Antje GERSTEIN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 4.4.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 5.4.2022

Bażi legali

Artikolu 50(1) u (2)(g) u Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

27.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

179/6/14

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-proposta bħala pass importanti għall-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv koerenti tal-UE dwar il-governanza korporattiva sostenibbli u d-diliġenza dovuta li jippromovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala dmir għan-negozji u d-diretturi. L-għan għandu jkun li tinkiseb ċertezza legali għall-kumpaniji, l-impjegati u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha tagħhom.

1.2.

Għalhekk, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi jqisu sew il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u jipprevedu mill-inqas l-armonizzazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ewlenin biex jiġu evitati d-diskrepanzi bejn il-liġijiet ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs). L-UNGPs huma l-punt ta’ riferiment li jiddeskrivu b’mod ċar id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-atturi kollha (l-istati, in-negozji, is-soċjetà ċivili, it-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema), u huma bbażati fuq mudell ta’ tliet pilastri ta’ “protezzjoni, rispett u rimedju” biex tittejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-provvista u tal-valur madwar id-dinja. L-obbligi internazzjonali tal-Istati dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrikjedu li huma jirrispettaw, jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi fit-territorju u/jew il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

1.4.

Il-bidla sistemika u sostenibbli fil-prattika tista’ tinkiseb biss billi jingħata appoġġ lill-pajjiżi biex iwettqu aħjar id-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem. Il-kumpaniji għandhom responsabbiltà ċara li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, iżda ma jistgħux jissostitwixxu r-rwol fundamentali u l-funzjonament tajjeb tal-Istat. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva leġiżlattiva mħabbra mill-Kummissjoni li se tindirizza b’mod speċifiku x-xogħol furzat.

1.5.

Il-KESE jitlob li d-Direttiva tagħmel distinzjoni ċara bejn l-impatti negattivi li huma kkawżati jew influwenzati minn intrapriża u l-impatti li mhumiex ikkawżati jew influwenzati minn intrapriża, iżda direttament marbuta mal-operazzjonijiet, il-prodotti jew is-servizzi tagħha permezz ta’ relazzjoni kummerċjali. Jeħtieġ li d-Direttiva tirrikonoxxi li d-diliġenza dovuta titlob approċċ ibbażat fuq ir-riskju u tista’ tinvolvi prijoritizzazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju.

1.6.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jżommu f’moħħhom il-pożizzjoni diffiċli tal-MSMEs, u jiżguraw li l-għodod ta’ appoġġ ikunu lesti fil-livell Ewropew u dak nazzjonali ladarba tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta.

1.7.

L-eżerċitar tad-diliġenza dovuta korporattiva huwa proċess li dejjem għaddej, li fih l-involviment tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema huwa fattur ta’ suċċess. Il-KESE jitlob li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ulterjuri tal-qafas tal-UE dwar il-governanza korporattiva sostenibbli. F’dan il-kuntest, l-involviment eżistenti tar-rappreżentanti tal-ħaddiema organizzati u eletti, pereżempju abbażi tal-ħidma tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jew fuq il-Ftehimiet Qafas Internazzjonali u fil-bordijiet tal-kumpaniji, fejn applikabbli, joffri gwida u appoġġ.

1.8.

Il-KESE jinsab imħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni fiha bosta kunċetti legali mhux ċari li huma miftuħa għall-interpretazzjoni, u għalhekk iqis li jeħtieġ li jiġu definiti aħjar termini bħal “relazzjoni kummerċjali stabbilita”, “katina tal-valur downstream” u “miżuri xierqa” peress li jiddefinixxu/jinfluwenzaw/jiddeterminaw mhux biss il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda wkoll ir-rekwiżiti, is-sanzjonijiet u l-obbligazzjonijiet marbutin mad-diliġenza dovuta.

1.9.

Il-KESE jitlob li l-proposta tkun aktar ċara rigward il-gruppi u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta. Minflok referenza għal “kumpanija” (Artikolu 3(a)), il-KESE jqis li referenza għal “grupp ta’ kumpaniji” hija aktar adatta u aktar koerenti fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ żvelar, il-proċeduri ta’ rapportar, il-ġestjoni tar-rapporti/l-ilmenti u l-isforzi edukattivi fi ħdan kumpanija.

2.   Kuntest tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Id-drittijiet tal-bniedem huma tħassib ewlieni għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, in-negozji Ewropej, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili. It-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ekoloġika u l-pjan ambizzjuż tagħha biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (1) huma xprunaturi għall-involviment profond tal-UE fl-aġenda dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem. Filwaqt li japprova bis-sħiħ l-istandards internazzjonali eżistenti u l-kisbiet importanti tagħhom, jiġifieri l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs) (2) u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (3), il-KESE jagħmel enfasi kbira fuq il-koerenza tal-politiki ma’ dawn l-istrumenti. Id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali fiha wkoll sensiela komprensiva ta’ drittijiet relatati mal-intrapriżi multinazzjonali u x-xogħol, li jirreferu b’mod partikolari għall-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati. Il-KESE jappella wkoll għal koerenza bejn il-politiki nazzjonali u l-leġiżlazzjoni Ewropea li qed tiġi abbozzata bħalissa u li tkopri oqsma simili jew tinkludi wkoll regoli dwar id-diliġenza dovuta. Eżempji ta’ tali leġiżlazzjoni jinkludu: id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (4), il-Proposta għal Regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni (5), il-Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Batteriji (6), l-Inizjattiva għal prodotti sostenibbli (7), it-Tassonomija tal-UE għal investimenti sostenibbli (8), u l-inizjattiva leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni li se tipprojbixxi b’mod effettiv it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti magħmula minn xogħol furzat (il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni) (9).

2.2.

Wara li xi Stati Membri (10) pproklamaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-diliġenza dovuta korporattiva, feġġet xewqa dejjem tikber li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni Ewropej għall-kumpaniji fl-Unjoni u tiġi evitata l-frammentazzjoni. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet din il-proposta għal qafas orizzontali biex tħeġġeġ lin-negozji jagħmlu l-parti tagħhom biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-attakk bla preċedent tar-Russja fuq l-Ukrajna qed jibdel il-ġeopolitika b’mod profond u wassal għall-valutazzjoni mill-ġdid fundamentali tar-relazzjonijiet u d-dipendenzi ekonomiċi fl-ekonomija globalizzata tagħna, u b’hekk aċċelera l-għan tal-Ewropa li tikseb indipendenza f’oqsma strateġiċi ewlenin. Ir-riżultat tal-aġġustament mill-ġdid wiesa’ tal-ktajjen tal-provvista tagħna se jeħtieġu riflessjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-diliġenza dovuta u d-dmir li jiġu segwiti sanzjonijiet deċiżi politikament li jillimitaw l-ambitu tal-attivitajiet tal-intrapriżi. Għalhekk, il-KESE jappella għal approċċ li huwa prattiku, li jqis ir-realtajiet tan-negozju, u joffru l-appoġġ tiegħu billi joffri konsulenza meħtieġa b’mod urġenti.

3.2.

Fid-dawl tal-kumplessità kbira tal-ktajjen tal-provvista tal-lum, l-eżattezza għandha tieħu preċedenza fuq il-veloċità — id-disinn dettaljat ta’ din id-direttiva jeħtieġ sens ta’ proporzjon. Minbarra r-rispett sħiħ tal-istandards u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-punt tat-tluq għandu dejjem ikun kif l-elementi stabbiliti sew tal-UNGPs u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali jistgħu jiġu integrati b’mod prattiku u effettiv flimkien ma’ evalwazzjoni bir-reqqa tal-konsegwenzi/l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq tipi differenti ta’ kumpaniji Ewropej (eż. MSMEs, strutturi holding li joperaw internazzjonalment).

3.3.

Il-KESE jisħaq li d-Direttiva proposta hija element wieħed biss ta’ aġenda tal-UE li hija ħafna aktar komprensiva għall-promozzjoni tal-ambjent sostenibbli, ix-xogħol deċenti u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-bidla sistemika u sostenibbli fil-prattika tista’ tinkiseb biss billi jingħata appoġġ lill-pajjiżi biex iwettqu aħjar id-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem. Il-kumpaniji għandhom responsabbiltà ċara li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, iżda ma jistgħux jieħdu post ir-rwol kritiku u l-funzjonament tajjeb tal-Istat, b’mod partikolari d-dmir tal-Istat li jipproteġi kontra l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju u fil-ġuriżdizzjoni tagħhom billi jieħu l-passi adegwati biex jipprevjeni, jinvestiga, jikkastiga u jirrimedja l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ politiki, leġiżlazzjoni, regolamenti u aġġudikazzjoni effettivi.

3.4.

Il-kumpaniji huma obbligati jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli u għandhom responsabbiltà li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-UNGPs. Huma mitluba jimplimentaw proċess ta’ diliġenza dovuta li jiffunzjona biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-valur. L-Istati u l-gvernijiet tagħhom għandhom id-dmir li jħarrku l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn huma d-destinatarji tad-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet internazzjonali korrispondenti. L-Istati, bir-raġun, għandhom ħafna setgħat ta’ infurzar li l-kumpaniji ma għandhomx u qatt ma għandu jkollhom. Fost affarijiet oħra, jistgħu jispezzjonaw postijiet tax-xogħol, joħorġu multi, jissekwestraw l-assi, jirrevokaw il-liċenzji tan-negozju, jarrestaw persuni suspettati, jakkużaw persuni li allegatament jabbużaw, u jibgħatu l-ħabs lil dawk ikkundannati.

3.5.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa kontinwa għall-prijoritizzazzjoni tat-trasformazzjoni ekoloġika flimkien mal-protezzjoni soċjali u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bnedmin, inklużi d-drittjiet tat-trade unions u tal-ħaddiema. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jeħtiġilhom ikollhom ukoll rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ trasparenza affidabbli rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, kif ukoll fis-sorveljanza tar-rekwiżit skont it-tassonomija tal-UE għall-investimenti biex jiġu ssodisfati r-rekwiżit tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u s-salvagwardji minimi (11).

3.6.

It-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema huma konxji sew ta’ fejn jista’ jkun hemm imġiba ħażina. Għaldaqstant, il-KESE jindika l-importanza tal-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u tat-trade unions fil-proċess ta’ stabbiliment (immappjar tar-riskji) tal-proċessi ta’ diliġenza dovuta, kif ukoll fil-monitoraġġ tagħhom (implimentazzjoni) u r-rapportar tal-ksur (mekkaniżmi ta’ twissija). Huwa biss permezz ta’ sħubija soċjali produttiva li tista’ tiġi ġestita t-trasformazzjoni lejn ekonomija sostenibbli aktar soċjali u ekoloġika.

3.7.

Il-KESE jinnota li l-lista tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, li fuqha jeħtieġ li tkun ibbażata d-Direttiva, għandha tiġi definita b’mod ċar biex l-intrapriżi jingħataw iċ-ċertezza legali li jeħtieġu fil-ħajja tan-negozju internazzjonali. Il-KESE jemmen li d-diliġenza dovuta korporattiva għandha testendi għall-eżami tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-UNGPs (12), li jikkonsistu fil-prinċipji relatati mal-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO (l-ebda xogħol furzat, tħaddim tat-tfal jew diskriminazzjoni, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni), id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) (13) u l-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (14) u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (15). Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (16), kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (17), il-Karta Soċjali Ewropea (18), u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali (19) jistabbilixxu drittijiet, valuri u prinċipji li jservu bħala boxxla ta’ gwida għall-UE kollha kemm hi.

3.8.

Il-KESE huwa tal-fehma li d-Direttiva għandha titjieb b’mod ċar għal aktar armonizzazzjoni, ċarezza u ċertezza legali. Qafas obbligatorju ta’ diliġenza dovuta jitwettaq billi jiġi applikat standard maqbul li jiġi infurzat permezz ta’ sanzjonijiet proporzjonati, effettivi u dissważivi, mentri r-responsabbiltà jkollha tkun ibbażata fuq il-ksur ta’ sett definit b’mod ċar ta’ drittijiet tal-bniedem.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jinsab imħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni fiha bosta kunċetti legali mhux ċari li huma miftuħin għall-interpretazzjoni u jistgħu jiġu applikati b’mod differenti mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jiġi definit aħjar it-terminu “relazzjoni kummerċjali stabbilita”, peress li dan jiddefinixxi mhux biss il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda wkoll ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta, is-sanzjonijiet u l-obbligazzjonijiet għad-danni. Il-kunċett ta’ “katina tal-valur downstream” ukoll jeħtieġ definizzjoni aktar soda. Mhuwiex f’idejn kumpanija li tikkontrolla u tassumi r-responsabbiltà għall-azzjoni tal-klijenti tagħha (20). Il-“miżuri meħtieġa” li l-kumpaniji huma mistennija jieħdu sabiex ikunu eżentati mir-responsabbiltà jeħtieġ li jkunu definiti aħjar u li jingħataw eżempji tagħhom. L-aħħar iżda mhux l-inqas, l-obbligi proposti għad-diretturi biex iqisu l-kontribut tal-“partijiet ikkonċernati” mhumiex ċari.

4.2.

Il-katina tal-valur, kif proposta fil-Proposta għal Direttiva, tinkludi mhux biss fornituri diretti u indiretti, jiġifieri attivitajiet “upstream”, iżda wkoll l-użu u, fejn meħtieġ, ir-rimi ta’ prodott jew servizz, jiġifieri attivitajiet “downstream” jew ta’ tmiem il-ħajja. Fil-fatt, it-traċċar tal-attivitajiet “downstream” iwassal għal varjetà ta’ problemi prattiċi ħafna. B’mod partikolari, ir-rintraċċar ta’ prodott wara li jitqiegħed fis-suq x’aktarx li jkun aktar diffiċli mit-traċċar tal-ksib ta’ materja prima u ta’ komponenti. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-prodotti riċiklati, fejn it-traċċabbiltà ħafna drabi tista’ tkun impossibbli.

4.3.

In-negozji għandhom ikunu mistennija jfasslu l-proċessi ta’ diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom b’mod li jkun ibbażat fuq ir-riskju u proporzjonat għall-impatti potenzjali u reali tagħhom. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi definit kif imiss, jew indirizzat lejn l-imsieħba kuntrattwali diretti jew lejn l-imsieħba indiretti; fil-każ ta’ dan tal-aħħar, dment li jkun raġonevoli skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, li wieħed jistenna li tittieħed azzjoni adegwata sabiex tipprevjeni, tnaqqas, ittemm jew timminimizza l-firxa tal-impatt negattiv, pereżempju f’każijiet ta’ livell għoli ta’ integrazzjoni vertikali. Dan il-metodu pprovat ta’ responsabbiltà jista’ jinstab ukoll fil-leġiżlazzjoni eżistenti, pereżempju dwar it-traċċabilità, kif irregolata fir-Regolament Bażiku tal-UE (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21)). Dan essenzjalment jirrikjedi li kumpanija tistabbilixxi sistemi u proċeduri, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ “pass lura, pass ’il quddiem”, biex tiddetermina min huma l-fornitur dirett u l-akkwirent dirett (minbarra l-konsumatur finali) tal-prodotti tagħha. L-approċċ stabbilit sew huwa adatt għaliex kull parti individwali fil-katina tal-valur tista’ tinżamm responsabbli b’mod ċar għall-proċessi li effettivament tista’ taffettwa.

4.4.

Approċċ ibbażat fuq ir-riskju jista’ jinkludi wkoll metodu settorjali: il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal Direttiva tirrikonoxxi li hemm speċifiċitajiet tas-settur fil-politiki dwar id-diliġenza dovuta li jeħtieġ li jitqiesu. Il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi jqisu l-inizjattivi u l-istandards importanti ta’ diversi partijiet interessati li ġew żviluppati f’żoni partikolarment vulnerabbli (bħall-kawkaw, il-banana u ż-żejt tal-palm).

4.5.

Il-KESE jfakkar li l-Prinċipji Gwida Nri 15 u 22 jitolbu rimedji f’każijiet fejn l-intrapriża stess tkun ikkawżat jew ikkontribwiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, il-UNGPs ma jitolbux li kumpanija tipprovdi rimedji fejn l-impatt negattiv ikun ikkawżat minn kumpanija oħra fil-katina tal-provvista. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jirriflettu l-premessa legali bażika li r-responsabbiltà għandha tiġi imposta biss fejn teżisti rabta ċara u prevedibbli bejn il-ħsara fuq il-vittma u n-negozju responsabbli għall-ħsara. B’mod simili, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali jisħqu wkoll li l-prevenzjoni tal-impatt negattiv fil-ktajjen tal-provvista ma tneħħix ir-responsabbiltà minn fuq l-entità li tikkawża impatt negattiv fuq l-intrapriża li għandha relazzjoni kummerċjali magħha. Sabiex tkun koerenti, il-KESE huwa tal-fehma li, skont id-Direttiva tal-UE wkoll, il-kumpaniji għandhom jinżammu responsabbli biss skont il-liġi ċivili jekk huma stess ikunu kkawżaw b’mod dirett ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew ikkontribwew (jiġifieri kkawżawh b’mod parzjali) għalih.

4.6.

Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet nazzjonali jeħtiġilhom ikunu mgħammra b’sanzjonijiet li huma “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. F’każijiet ta’ negliġenza u intenzjoni, l-awtorità għandha tkun kapaċi tistabbilixxi multi adatti. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet għandu jiġi definit fil-livell Ewropew.

4.7.

Il-KESE jappella sabiex il-proposta tkun aktar ċara rigward il-gruppi u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta. It-test attwali u, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “kumpanija” (l-Artikolu 3(a)) jidhru li jindikaw li r-rekwiżiti tad-Direttiva huma stabbiliti fil-livell tal-kumpanija, mhux fil-livell ta’ gruppi ta’ kumpaniji. Dan jimplika li kumpanija minn Stat Membru b’sussidjarji fil-kamp ta’ applikazzjoni li topera fi Stati Membri oħrajn għandha ssegwi d-deċiżjonijiet ta’ għadd ta’ awtoritajiet superviżorji differenti, li huwa prattikament diffiċli u aktar oneruż. Soluzzjoni ta’ grupp tippreżenta diversi vantaġġi, pereżempju aktar koerenza fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ żvelar, il-proċeduri ta’ rapportar, l-immaniġġjar tar-rapporti/l-ilmenti, u t-taħriġ u sensibilizzazzjoni fi ħdan kumpanija. Dan huwa rikonoxxut fil-proposta għal Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà li tipprovdi eżenzjoni għas-sussidjarji jekk ikun hemm rapportar fil-livell tal-grupp. Soluzzjoni ta’ grupp hija f’pożizzjoni aħjar li tindirizza d-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li x’aktarx iseħħu matul it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fis-27 Stat Membru, u tista’ sservi biex tallinja jew saħansitra tmur lil hinn mill-ogħla denominatur. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jqis li soluzzjoni fi grupp għad-diliġenza dovuta għandha tkun ippreferuta.

4.8.

Minkejja d-diliġenza dovuta primarja ta’ kumpaniji kbar, l-MSMEs se jkunu affettwati b’mod indirett għaliex il-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva se jżidu d-domandi tagħhom fuq il-fornituri fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom tal-Prinċipji Gwida tan-NU, ir-rapportar mhux finanzjarju tagħhom u l-ġestjoni tal-katina tal-provvista tagħhom stess. L-isforz konsiderevoli huwa aktar faċli għal kumpaniji kbar milli għal kumpaniji żgħar, li għadhom ma ġewx inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni. Dawn tal-aħħar, b’mod partikolari, għandhom inqas influwenza biex jindirizzaw ir-riskji tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-provvista tagħhom, u ħafna inqas riżorsi biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riskji komprensivi. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi Helpdesk li jipprovdi informazzjoni li tkun faċilment aċċessibbli dwar ir-riskji tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi u r-reġjuni. Għandu jkun possibbli li l-partijiet ikkonċernati jinvolvu ruħhom ma’ dan il-helpdesk, u li l-pajjiżi jew ir-reġjuni msieħba jikkollaboraw miegħu. Dan il-helpdesk għandu jappoġġja wkoll il-bini tal-kapaċità għad-drittijiet tal-bniedem tal-fornituri fil-pajjiżi terzi u t-tisħiħ tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jipprovdu assistenza, b’mod partikolari lill-MSMEs, b’mod prattiku, speċifiku u effiċjenti, imfassla f’kooperazzjoni strutturali mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi kkonċernati. Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kbira li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kumpaniji kkonċernati b’din id-Direttiva jkun konformi ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE msemmija fil-paragrafu 2.1.

4.9.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tinkludi b’mod espliċitu s-settur finanzjarju fil-proposta tagħha. Il-finanzi sostenibbli jinkludu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u huma element importanti għat-trasformazzjoni tal-ekonomija sabiex issir aktar ekoloġika u soċjali. Madankollu, il-proposta għadha ambigwa fir-rigward tal-proċeduri ta’ verifika għas-self jew il-finanzjament, u hemm il-biża’ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva – li ma tinkludix b’mod espliċitu l-MSMEs – se jiġu estiżi de facto b’mod indirett. L-MSMEs se jkunu affettwati b’mod indirett bħala fornituri fil-katina tal-provvista u għalhekk se jiffaċċjaw sfidi enormi.

4.10.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Governanza Korporattiva Sostenibbli hija marbuta ma’ impenn ċar u kredibbli tad-diretturi, inkluż mal-istabbiliment ta’ proċess tad-diliġenza dovuta sod u operattiv f’kumpanija. Dan huwa ta’ siwi b’rabta mar-responsabbiltà tal-kumpaniji, f’dak li jirrigwarda l-impatt tal-operazzjonijiet tagħhom. Il-KESE jirreferi għad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti li tiċċara kif il-prestazzjoni tal-kumpaniji u tad-diretturi hija marbuta ma’ kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza (22). Il-KESE jinnota li d-dmirijiet tad-diretturi għandhom jinkludu obbligi affidabbli ta’ diliġenza dovuta bbażati fuq sistema ta’ sanzjonijiet għal każijiet fejn il-kumpaniji jonqsu milli jirrispettawhom. Il-kisba tas-sostenibbiltà ekoloġika, soċjali u ekonomika għandha tkun l-għan għall-partijiet interessati kollha ta’ kumpanija, mhux biss għall-azzjonisti. F’għadd ta’ Stati Membri tal-UE, il-bordijiet tal-kumpaniji huma obbligati jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Dawn il-leġiżlazzjonijiet u r-regoli nazzjonali għandhom jiġu rispettati.

4.11.

Il-KESE ħa nota tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni stess li qajjem dubji dwar l-elementi li jmorru lil hinn mid-diliġenza dovuta billi jgħid, fost oħrajn, li mhuwiex ċar għalfejn huwa meħtieġ li jiġu regolati d-dmirijiet tad-diretturi flimkien mar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta, u li jeħtieġ li jiġi spjegat u vvalutat aħjar il-valur miżjud tar-regolamentazzjoni tad-dmirijiet tad-diretturi, meta jitqies li l-għażla tad-diliġenza dovuta diġà titlob il-ġestjoni tar-riskji u li jitqiesu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati (23). F’dan l-isfond, il-KESE iqis li hemm il-ħtieġa għal aktar żvilupp u allinjament aħjar tad-dmirijiet tad-diretturi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  A/RES/70/1.

(2)  Il-UNGPs ġew approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-Riżoluzzjoni 17/4 tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2011 (A/HRC/RES/17/4).

(3)  OECD (2011), OECD Guidelines for Multinational Enterprises (Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali), OECD Publishing, http://dx.doi.org/10.1787/9789264115415-en

(4)  COM(2021) 189 final; ĠU C 517, 22.12.2021, p. 51.

(5)  COM(2021) 706 final.

(6)  COM(2020) 798 final.

(7)  COM(2022) 142 final.

(8)  ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

(9)  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13480-Projbizzjoni-effettiva-tal-prodotti-manifatturati-estratti-jew-ma%C4%A7suda-bxog%C4%A7ol-sfurzat_mt

(10)  Franza (Loi relative au devoir de vigilance, 2017) , il-Ġermanja (Sorgfaltspflichtengesetz, 2021), in-Netherlands (Wet zorgplicht kinderarbeid 2019).

(11)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 105.

(12)  Prinċipju Gwida 12 tan-NU (Kummentarju, paragrafu 2).

(13)  A/RES/217(III).

(14)  A/RES/2200A (XXI).

(15)  A/RES/2200A(XXI).

(16)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(17)  https://www.echr.coe.int/documents/convention_mlt.pdf

(18)  https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=090000168048b059

(19)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 136.

(20)  Ir-regoli rilevanti jistgħu jinstabu fil-liġi tal-UE dwar operazzjonijiet downstream, jiġifieri f’termini ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ materjali sensittivi (oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari).

(21)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(22)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32017L0828; l-Artikolu 9a.

(23)  https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SEC(2022)95&lang=mt


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Rgolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta’ pajjiżi terzi

(COM (2022) 120 final — 2022/0074 (COD))

(2022/C 443/12)

Relatur:

Kęstutis KUPŠYS

Korelatur:

Christophe LEFÈVRE

Konsultazzjonijiet

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.4.2022

Parlament Ewropew, 4.4.2022

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

1.7.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat iqis li s-soluzzjonijiet proposti mill-Kummissjoni għall-ħames kwistjonijiet ewlenin identifikati matul il-proċess ta’ rieżami tar-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) huma, b’mod ġenerali, suffiċjenti u effettivi. Bi proċeduri ta’ saldu tal-UE aktar effiċjenti, is-swieq kapitali se jsiru aktar attraenti kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri, u se nkunu pass eqreb lejn il-ksib tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi proporzjonati tal-Kummissjoni biex tissostitwixxi r-rekwiżiti eżistenti tal-passaportar b’notifika, kif ukoll proposta għal kooperazzjoni superviżorja aħjar billi jiġu stabbiliti kulleġġi ta’ superviżjoni adatti, iżda mhux duplikati.

1.3.

Fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju, il-Kumitat jara aktar opportunitajiet f’soluzzjonijiet ibbażati fuq is-saldu fi flus tal-bank ċentrali. Biex titnaqqas aktar firxa ta’ riskji differenti, għandu jsir użu akbar mill-pjattaforma eżistenti ta’ saldu ta’ titoli monetarji ta’ bank ċentrali b'diversi muniti tat-Titoli TARGET2 (T2S).

1.4.

Il-KESE jqis li huwa ta’ benefiċċju li l-proposta attwali tal-Kummissjoni tiġi ssupplimentata bid-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tar-rwol ċentrali tat-T2S għall-infrastruttura Ewropea tas-saldu tat-titoli, filwaqt li tiġi solvuta wkoll, għalkemm parzjalment, il-kwistjoni tas-sottożvilupp tas-servizzi anċillari tat-tip bankarju fost id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs).

1.5.

Il-KESE jinnota li l-aktar parti kontroversjali tal-proposta — l-approċċ f’“żewġ stadji” għall-impożizzjoni potenzjali ta’ xiri sfurzat obbligatorju — għadha għażla adegwata bbilanċjata. Ix-xiri sfurzat obbligatorju ma għandux jiġi kkunsidrat qabel ma r-raġunijiet sottostanti għall-fallimenti tas-saldu jiġu eżaminati fid-dettall u tinkiseb ċarezza dwar jekk miżuri oħrajn biex jitnaqqsu l-fallimenti tas-saldu jiksbux riżultati sodisfaċenti.

1.6.

Il-Kumitat huwa konxju bis-sħiħ li l-iskema pilota tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT) tifforma parti importanti mill-kuntest leġiżlattiv tar-rieżami tas-CSDR, filwaqt li jwissi li l-ħolqien ta’ “ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja” ma għandux jistabbilixxi preċedent biex jitbaxxew l-istandards eżistenti tal-imġiba fis-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Is-CSDs jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tan-networks tad-DLT, b’mod li jitnaqqas ir-riskju tal-kontroparti. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda regolamentazzjoni superviżorja iżjed b’saħħitha għall-infurzar tas-sanzjonijiet, u jissuġġerixxi li s-CSDR għandu jirrikjedi li s-CSDs, l-emittenti tagħhom, u l-parteċipanti tagħhom jistabbilixxu mekkaniżmu vijabbli u permanenti għall-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data rilevanti għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet Ewropej komuni.

2.   Sfond

2.1.

Is-CSDs huma entitajiet li jżommu u jamministraw titoli u jippermettu li t-tranżazzjonijiet tat-titoli jiġu pproċessati b’entrata fil-kotba (1). Is-CSDs joperaw l-infrastruttura li tiżgura li t-tranżazzjonijiet tat-titoli jkunu jistgħu jitlestew. Dan is-servizz ewlieni tas-CSDs normalment jissejjaħ “saldu”. Fl-UE, CSDs (2) eżistenti jsaldaw tranżazzjonijiet li jiswew ħafna aktar minn EUR 1 000 triljun fis-sena (aktar minn 70 darba tal-prodott domestiku gross tal-UE (3) jew 17-il darba aktar mill-valur pendenti tat-titoli kollha miżmuma fil-kontijiet tas-CSDs (4)). Is-CSDs jipprovdu wkoll servizzi ewlenin oħra, bħal (i) is-servizz notarili, jiġifieri t-traċċar ta’ titoli maħruġa ġodda, u (ii) is-servizz ta’ manutenzjoni ċentrali, jiġifieri r-reġistrazzjoni ta’ kull bidla fiż-żamma ta’ dawk it-titoli. Għas-CSDs li joperaw fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, ilhom jeżistu proċeduri ttestjati sew u effiċjenti għal għexieren ta’ snin, iżda hekk kif is-swieq saru aktar interkonnessi, u minħabba ż-żieda fit-tranżazzjonijiet transfruntiera fl-Ewropa, il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tas-saldu transfruntier u servizzi oħra saret ċara.

2.2.

Ir-Regolament tal-2014, introdott wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Settembru 2014, b’implimentazzjoni gradwali (5). Dan ġab titjib sostanzjali fl-ambjent ta’ wara n-negozjar, inkluż l-istabbiliment ta’ perjodu ta’ saldu standardizzat, it-titjib tad-dixxiplina tas-saldu transfruntier, l-introduzzjoni ta’ regoli konsistenti għas-CSDs fl-UE (eż. il-liċenzjar, l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni), u l-iżgurar tal-libertà għal emittent ta’ titoli li jagħżel is-CSD tiegħu.

2.3.

Wieħed mill-avvanzi ewlenin li saru fir-Regolament kien jikkonċerna d-dixxiplina tas-saldu — miżuri għall-prevenzjoni ta’ fallimenti tas-saldu u biex jiġu indirizzati tali fallimenti, jekk dawn iseħħu. Madankollu, kif uriet valutazzjoni ulterjuri, dawn il-miżuri ma kinux biżżejjed, peress li l-indikaturi ta’ falliment tas-saldu tal-UE baqgħu konsiderevolment agħar minn dawk f’ċentri finanzjarji oħra, anki meta titqies in-natura frammentata ħafna tas-swieq kapitali tal-UE meta mqabbla ma’ swieq estremament omoġenji xi mkien ieħor (6).

2.4.

Titjib ewlieni ieħor li għandu l-għan li jiffaċilita l-flussi ta’ kapital transfruntier — il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru ieħor (jew “passaportar”, simili għall-qafas pan-Ewropew għas-servizzi bankarji li jiffunzjona b’mod tajjeb) — ġie stabbilit ukoll fir-Regolament, li jipprovdi spinta lis-CSDs biex jespandu l-attivitajiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju (servizzi li jappoġġjaw is-saldu tat-titoli) mis-CSDs, filwaqt li jikkonformaw strettament mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għar-riskji ta’ kreditu relatati ma’ dawk is-servizzi, ġie definit ukoll fir-Regolament. Madankollu, il-qafas legali ma wassalx għal-livell mixtieq ta’ integrazzjoni tas-sistema ta’ servizzi ta’ saldu tal-UE, u s-CSDs qagħdu lura milli jieħdu f’idejhom servizzi anċillari jew jinvolvu ruħhom fi proċedura għalja ta’ passaportar.

2.5.

F’Marzu 2022, il-Kummissjoni, filwaqt li aġixxiet f’konformità mal-Artikolu 75 tar-Regolament li ta mandat għal rieżami, introduċiet proposta li tirrieżamina r-Regolament tal-2014 (minn hawn’il quddiem imsejjaħ ir-Rieżami tas-CSDR, jew Rieżami). Dan jittratta l-ħames kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

(i)

ir-rekwiżiti ta’ piż tal-passaportar;

(ii)

kooperazzjoni superviżorja dgħajfa;

(iii)

rekwiżiti sproporzjonati għall-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju;

(iv)

nuqqasijiet li jwasslu għal saldi li fallew;

(v)

informazzjoni insuffiċjenti dwar l-attivitajiet ipprovduti mis-CSDs ta’ pajjiżi terzi fl-UE.

2.6.

Kważi simultanjament mad-dħul fis-seħħ tas-CSDR, iżda bħala żvilupp separat, fit-22 ta’ Ġunju 2015, it-T2S tnieda bħala l-ewwel pjattaforma ta’ saldu tat-titoli fi flus tal-bank ċentrali b’diversi muniti (7). Għall-klijenti (normalment banek) ta’ CSDs li huma konnessi mal-pjattaforma T2S, dan ifisser il-kapaċità li jagħżlu bejn saldu tal-euro fi flus tal-bank kummerċjali u/jew fi flus tal-bank ċentrali. Bis-saldu ta’ titoli fi flus ta’ bank ċentrali permezz tat-T2S, is-CSDs jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom aċċess għall-ġabra unika ta’ likwidità tas-Servizzi TARGET tal-Eurosistema għal kollateral, ħlasijiet u saldu ta’ titoli. Għalhekk, il-likwidità li hija meħtieġa biex jiġu saldati t-tranżazzjonijiet madwar l-Ewropa tnaqqset ħafna. Madankollu, dan ma kellu l-ebda impatt fuq l-ispejjeż għal diversi raġunijiet, iżda primarjament minħabba li għad hemm frammentazzjoni tas-suq bejn il-linji tal-munita: fl-2019, it-tariffi tat-T2S inbidlu minn 15-il euroċenteżmi għal kull tranżazzjoni ta’ “Kunsenja kontra Ħlas” għal 23,5 euroċenteżmi (8). It-T2S jibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għar-Rieżami tas-CSDR ta’ Marzu 2022.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Kif iddikjarat fl-Opinjoni tal-KESE “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji (pjan ta’ azzjoni ġdid)” (9), il-Kumitat jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tinkiseb il-viżjoni ambizzjuża tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li għandha tippermetti l-fluss tal-kapital madwar l-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi, l-investituri u l-kumpaniji. Mis-16-il miżura deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, waħda mill-aktar importanti hija t-titjib tas-servizzi ta’ saldu transfruntier (Azzjoni 13), peress li n-nuqqasijiet tar-regolament eżistenti huma evidenti u azzjoni leġiżlattiva rapida hija maħsuba li tmexxi ’l quddiem l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.2.

Fir-rigward tal-ħames kwistjonijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni, li wasslu għar-Rieżami, il-Kumitat iqis li t-triq ’il quddiem proposta hija suffiċjenti u effettiva.

3.3.

Il-proposta li jiġu sostitwiti r-rekwiżiti tal-passaportar eżistenti, li huma kkunsidrati bħala mhux ċari jew ta’ piż, b’notifika (li jfisser li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw l-applikazzjoni ta’ CSD), hija pass importanti lejn sistema ta’ saldu aktar armonjuża u interkonnessa li twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għas-CSDs li lesti jipprovdu servizzi transfruntiera. Madankollu, wieħed għad irid jara kif dawn il-miżuri ta’ appoġġ se jissarrfu fi ffrankar fl-ispejjeż għall-emittenti u l-investituri. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji fil-pajjiżi ospitanti jżommu s-sorveljanza tas-suq.

3.4.

Il-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż filwaqt li tittejjeb il-kooperazzjoni superviżorja wasslet għall-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqfu kulleġġi superviżorji, li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ bħala miżura adegwata u bbilanċjata sew. Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni ta’ kulleġġ wieħed biss għas-CSD minflok żewġ kulleġġi separati, sabiex jiġi żgurat li s-CSD ma jkunx soġġett għall-“kulleġġ tal-passaportar” u l-“kulleġġ fil-livell ta’ grupp” fl-istess ħin. Dan għandu jiffranka l-ispejjeż u jgħin biex jinkisbu sinerġiji superviżorji konsiderevoli.

3.5.

Wieħed mit-titjib ewlieni fil-qafas tal-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju huwa relatat mal-emenda tal-Artikolu 54(4) tar-Regolament, li l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ, peress li jippermetti lis-CSDs ifittxu l-forniment tas-servizzi msemmija hawn fuq, mhux biss minn istituzzjonijiet ta’ kreditu magħżula, iżda wkoll minn CSDs oħra.

3.5.1.

Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li dan il-pass jista’ potenzjalment iżid ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Filwaqt li l-KESE jara l-mertu fl-objettiv li l-forniment transfruntier ta’ servizzi jittejjeb bħala riżultat ta’ inqas ostakli għall-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju, u jaqbel ma’ dik l-aspirazzjoni, il-Kumitat jara opportunitajiet f’soluzzjonijiet ibbażati fuq is-saldu fi flus tal-bank ċentrali, li huwa intrinsikament aktar sikur. Ċertament, dan ikun jeħtieġ li jiġi indirizzat l-aktar barra mis-CSDR — eż. l-espansjoni tat-T2S, l-iżvilupp ta’ muniti diġitali tal-bank ċentrali bl-ingrossa, it-tneħħija ta’ ostakli legali, eċċ.

3.5.2.

Madankollu, mhuwiex ċar jekk it-triq magħżula mill-Kummissjoni biex tagħti mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) biex tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, għad-definizzjoni tal-limitu li taħtu dawk is-servizzi anċillari tat-tip bankarju jistgħu jiġu pprovduti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, hijiex dik adatta. Mil-lat pożittiv, il-kalibrazzjoni ta’ limitu tista’ titwettaq bl-aħjar mod minn din l-Awtorità, u l-Kummissjoni għandha aktar flessibbiltà jekk ikun meħtieġ. Minkejja dan ta’ hawn fuq, il-KESE qajjem, f’diversi okkażjonijiet (10), il-kwistjoni li l-koleġiżlaturi jiġu mċaħħda mis-setgħa li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet sinifikanti fl-att leġiżlattiv diskuss. Għalhekk, il-KESE jitlob li kwistjonijiet ekonomiċi importanti jiġu ttrattati fi proċedura leġiżlattiva ordinarja (11).

3.6.

Nilqgħu l-passi għat-titjib tad-dixxiplina tas-saldu bl-akbar sodisfazzjon. Il-Kumitat favur ukoll li jkun hemm kjarifiki u eċċezzjonijiet f’diversi każijiet fir-Rieżami, relatati mal-kwistjoni tad-dixxiplina tas-saldu. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tevita li tintroduċi x-xiri sfurzat obbligatorju immedjatament għandha importanza partikolari; dan ix-xiri sfurzat jista’ jsir applikabbli jekk u meta s-sistema tal-penali waħedha ma ttejjibx il-fallimenti tas-saldu fl-Unjoni Ewropea. L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ trasferiment, li jipprevjenu kaskata ta’ xiri sfurzat obbligatorju, tidher li ttaffi d-dgħufijiet sottostanti (jew il-biża’ ta’ applikazzjoni subottimali) tal-iskema proposta tax-xiri sfurzat obbligatorju. Il-Kumitat iqis approċċ “f’żewġ stadji” għax-xiri sfurzat obbligatorju bħala wieħed prudenti u jemmen li b’dan il-mod is-swieq kapitali Ewropej ser isiru aktar attraenti kemm għall-emittenti kif ukoll għall-investituri fuq medda twila ta’ żmien.

3.7.

Id-dispożizzjonijiet relatati mas-CSDs ta' pajjiżi terzi huma partikolarment importanti fil-kuntest tat-tfittxija tal-UE ta' awtonomija strateġika miftuħa. Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit introdott fl-Artikolu 25 emendat tas-CSDR, li jiddikjara li s-CSDs li beħsiebhom jipprovdu servizzi ta’ saldu skont il-liġi ta’ Stat Membru għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). Il-Kumitat jappoġġja wkoll il-miżuri introdotti mir-Rieżami li jirregolaw aspetti oħra tal-operazzjonijiet tas-CSDs ta’ pajjiżi terzi fl-UE, u b’hekk iwasslu għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u ambjent ta’ kompetizzjoni aħjar.

4.   Kummenti speċifiċi

Ir-rwol tat-T2S

4.1.

Minħabba l-importanza konsiderevoli tat-T2S, il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi organizzat qafas koerenti ta’ superviżjoni u sorveljanza fir-rigward tar-rwol ta’ din il-pjattaforma fis-sistema ta’ saldu ġenerali. Il-ftehimiet volontarji attwali bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-ESMA, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-CSDs li jipparteċipaw fit-T2S u l-banek ċentrali li jissorveljaw is-CSDs għandhom jiġu aġġornati sabiex jiġi żgurat li l-qafas leġiżlattiv il-ġdid jipprovdi rwoli ċari għall-awtoritajiet parteċipanti kollha: l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-banek ċentrali u l-BĊE bħala sorveljanti ewlenin u l-ESMA bħala s-superviżur. Dan il-qafas imsaħħaħ jista’ jieħu l-forma ta’ kulleġġ ta’ superviżuri.

4.2.

Għalhekk, il-KESE jappella lil-koleġiżlaturi biex jinkludu l-pjattaforma ta’ saldu sistemiku tat-T2S fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CSDR u joħolqu l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni mifruxa tas-saldu permezz tal-għodda T2S fl-UE (12). Dan huwa meħtieġ biex din is-sistema ta’ diversi muniti fl-aħħar taħdem fil-kapaċità sħiħa tagħha, minkejja r-riżervi komprensibbli tal-banek ċentrali u s-CSDs f’pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. Ir-rwol tat-T2S fl-armonizzazzjoni tal-flussi tad-data u l-informazzjoni — aspett kruċjali għall-forniment effettiv tas-servizzi mis-CSDs — għandu jiġi rikonoxxut u inkluż ukoll fil-proposta leġiżlattiva.

4.3.

Attwalment, it-T2S huwa mmonitorjat fuq il-bażi ta’ għadd ta’ Prinċipji għall-Infrastruttura tas-Suq Finanzjarju inklużi fil-Qafas ta’ sorveljanza tal-BĊE — approċċ “ħafif” li jirrikonoxxi l-importanza sistemika ta’ din il-pjattaforma għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Kumitat ma jara l-ebda kunflitt regolatorju li jaffettwa l-indipendenza mhux ikkontestata tal-BĊE minħabba li t-T2S jista’ jitqies bħala għodda ta’ infrastruttura għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li, għal għadd ta’ raġunijiet, hija żviluppata aħjar taħt is-“saqaf” tal-BĊE u mhux xi mkien ieħor. Barra minn hekk, l-involviment tal-BĊE fis-saldu tat-titoli permezz tal-pjattaforma huwa pass ’il bogħod mill-funzjonijiet klassiċi tal-bank ċentrali, li jwassal b’mod ċar għall-ħtieġa li t-T2S jiġi inkluż fis-CSDR biex jagħmel qafas regolatorju kemm koerenti kif ukoll effettiv.

Il-monitoraġġ tad-dixxiplina tas-saldu

4.4.

Il-KESE jinnota li l-aktar parti kontroversjali tal-proposta — l-infurzar possibbli ta’ xiri sfurzat obbligatorju, imwettaq b’approċċ “f’żewġ stadji” — għadha għażla adegwata bbilanċjata sew li għandha tiġi kkunsidrata sakemm tinkiseb ċarezza dwar jekk miżuri oħra biex jitnaqqsu l-fallimenti tas-saldu jiksbux riżultati sodisfaċenti.

4.5.

Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-indirizzar ta’ din il-kwistjoni mill-aktar fis jista’ jwassal għal fehim aħjar u aktar profond tar-raġunijiet għall-falliment tas-saldu. Għalhekk, il-KESE jappella għall-introduzzjoni ta’ data ta’ skadenza stabbilita għall-valutazzjoni tal-progress tal-indikaturi tal-falliment tas-saldu u tar-raġunijiet sottostanti għall-falliment, fil-forma ta’ rapport pubbliku abbozzat mill-awtorità kompetenti, idealment f’perjodu ta’ 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema tal-penali.

4.6.

Filwaqt li xi wħud huma favur it-tneħħija totali tal-obbligu tax-xiri sfurzat obbligatorju, il-KESE huwa aktar kawt fid-dawl tan-numru għoli u inaċċettabbli ta’ okkorrenzi ta’ falliment tas-saldu (anke meta mqabbla ma’ ġurisdizzjonijiet finanzjarji ewlenin oħra). It-tneħħija ta’ għażla ta’ politika sinifikanti mis-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni ma ttejjibx is-sitwazzjoni f’dan ir-rigward. L-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni tidher li hija għażla adatta f’dan il-każ partikolari.

4.7.

Il-Kumitat jirrikonoxxi li hemm mod effettiv ħafna biex jinkiseb tnaqqis rapidu fiċ-ċifri tal-fallimenti tas-saldu — żieda fil-penali eżistenti sakemm jintlaħaq l-ekwilibriju ġust. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-fallimenti tas-saldu li jinvolvu prattiki ta’ “bejgħ ta’ pożizzjoni qasira”. Ix-xiri sfurzat obbligatorju jisa’ jsir l-għażla tal-aħħar istanza, lesta biex tiġi implimentata b’kawtela kbira wara konsultazzjonijiet adatti mal-parteċipanti fis-suq jekk kull ħaġa oħra tfalli.

4.8.

Qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri li għandhom l-għan li jqassru l-ktajjen tal-intermedjarji. Ir-raġunijiet għall-użu mifrux tat-teknika ta’ “tqabbil minn qabel” jeħtieġu eżami bir-reqqa. Peress li jseħħu ħafna fallimenti (tekniċi) minħabba dewmien fil-ktajjen twal tas-saldu, ix-xiri sfurzat obbligatorju ma jistax jiġi impost mingħajr ma jitqies dan il-fattur u qabel ma jiġu implimentati miżuri adegwati biex jinkoraġġixxu t-tqassir tal-“ktajjen ta’ kmand” tas-saldu.

Saldu f’“assi diġitali” fi ħdan is-sistema ta’ saldu ta’ CSD

4.9.

Iż-żieda fl-“assi diġitali” enfasizzat l-interkonnessjoni funzjonali tas-servizzi ta’ negozjar u ta’ saldu f’assi partikolari. L-adozzjoni tad-DLT, fis-settur finanzjarju u bnadi oħra, toffri potenzjal enormi. Jekk in-negozjar u s-saldu f’assi “tradizzjonali” għandhom jibqgħu kompetittivi man-negozjar u s-saldu f’“assi diġitali”, is-CSDs għandhom jitħallew jistabbilixxu faċilment il-faċilitajiet tan-negozjar tagħhom stess għall-istrumenti li jsaldaw in-negozjar fihom. Il-Kumitat huwa kompletament konxju li l-iskema pilota tad-DLT tifforma parti importanti mill-kuntest leġiżlattiv tar-rieżami tas-CSDR. Il-Kumitat jappoġġja kwalunkwe bidla fis-CSDR bil-għan li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ li d-DLT tiġi posposta sakemm tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni għall-iskema pilota msemmija hawn fuq. Madankollu, bħala miżura interim, il-Kumitat jissuġġerixxi l-possibbiltà li tiġi stabbilita faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) għal strumenti li jiġu saldati fi ħdan is-sistema ta’ saldu ta’ CSD. Iż-żamma ta’ MTF għandha titqies bħala servizz anċillari skont it-tifsira tat-Taqsima B, il-parti 1 tal-Anness tas-CSDR.

4.10.

Il-Kumitat iwissi li l-ħolqien ta’ “ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja” m’għandux joħloq preċedent għat-tnaqqis tal-istandards eżistenti tal-imġiba fis-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Iċ-ċaqliq tal-proċessi ta’ saldu kompletament lejn networks li jaħdmu bid-DLT itejjeb l-effiċjenza minħabba li jnaqqas il-kostijiet tat-tranżazzjonijiet assoċjati u jnaqqas ir-riskju involut meta jqassar il-katina estiża żżejjed ta’ intermedjarji. Madankollu, ir-riskju tal-kontroparti ma jibqax validu biss bl-ingranaġġ tan-networks tad-DLT. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni f’dawn in-networks jiġu definiti b’mod li jnaqqas ir-riskju tal-kontroparti. Is-CSDs għandu jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-infrastruttura.

Infurzar tas-sanzjonijiet

4.11.

Ir-Rieżami tas-CSDR waslet fi żmien estremament diffiċli — f’nofs il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. L-infrastruttura tas-suq finanzjarju Ewropew tfasslet biex tkun tista’ tegħleb xokkijiet bħal dawn; barra minn hekk, il-parti (sistematikament) importanti tagħha — in-network tas-CSDs — issa hija strumentali biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja jiġu implimentati kif suppost fil-livell operattiv. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi l-gwida meħtieġa f’każijiet fejn l-azzjonijiet relatati mas-sanzjonijiet jidħlu fit-“territorji l-ġodda”, u dan iwassal għal inċertezza fost l-atturi tas-suq. Ċerti dispożizzjonijiet ta’ tali gwida ta’ “soluzzjoni ta’ malajr” jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll għall-użu fit-titjib ulterjuri tal-proposta ta’ Rieżami, u b’hekk issir aktar adatta għall-isfidi futuri.

4.12.

Fil-kuntest tal-iżviluppi internazzjonali, il-KESE jissuġġerixxi li s-CSDR għandu jirrikjedi li s-CSDs, l-emittenti tagħhom, u l-parteċipanti tagħhom jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti vijabbli għall-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data rilevanti għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet Ewropej komuni. Is-sitwazzjoni m’għandhiex tinqala’ fejn azzjoni titħalla barra biss minħabba li l-parteċipanti differenti ma jkunux jistgħu jaslu għal konklużjoni li inkella għandha tkun sempliċi jew għall-inqas tista’ tinkiseb (jiġifieri jekk tiġi kkunsidrata b’mod konġunt). Jekk is-CSDR għandux jitqies bħala strument legali adatt għal dan hija kwistjoni valida; madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda regolamentazzjoni superviżorja aktar b’saħħitha għall-infurzar tas-sanzjonijiet.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  It-titoli jistgħu jinżammu f’forma fiżika jew dematerjalizzata.

(2)  Hemm 26 CSD, flimkien ma’ żewġ CSDs Internazzjonali. Sors: Reġistru tal-ESMA.

(3)  Ibbażat fuq data tal-Eurostat tal-2021 dwar il-PDG, jiġifieri EUR 14,4 triljun.

(4)  Fi tmiem l-2020, kien hemm aktar minn EUR 56 triljun f’titoli miżmuma fis-Sistemi ta’ Saldu ta’ Titoli tal-UE. Data ġġenerata permezz tal-Bażi tad-Data tal-BĊE dwar l-Istatistika dwar in-Negozjar tat-Titoli, l-Ikklerjar u s-Saldu Aċċessat fl-4 ta’ Mejju 2022.

(5)  ĠU C 299, 4.10.2012, p.76.

(6)  Il-fallimenti tas-saldu f’ekwitajiet, ikkalkolati bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet, naqsu għal 3 % qabel it-taqlib fis-suq tal-COVID-19, iżda minn dak iż-żmien reġgħu żdiedu għal 4,5 %. Bħala perċentwal tal-valur, il-proporzjon żdied għal 9 % f’Jannar 2021 minn 6 % qabel Marzu 2020. Sors: Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Madankollu, l-esperjenza tas-suq turi li l-maġġoranza tal-“fallimenti” jseħħu minħabba li l-istruzzjoni tas-saldu tasal fis-sistema tas-saldu permezz tal-katina ta’ intermedjarji wara l-jum magħżul mill-partijiet finali bħala “id-data prevista tas-saldu”.

(7)  Sistema ta’ Titoli TARGET2 Bħalissa, 19-il CSD minn 20 pajjiż Ewropew huma konnessi mat-T2S. Il-krona Daniża ilha disponibbli għas-saldu fit-T2S sa minn Ottubru 2018.

(8)  L-ipprezzar tas-sistema ta’ Titoli TARGET2.

(9)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 20.

(10)  Reċentement, fl-Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami ta’ Solvenza II, adottata fi Frar 2022, ara l-punt 2.3 (ĠU C 275, 18.07.2022, p. 45).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami ta’ Solvenza II (ĠU C 275, 18.07.2022, p. 45).

(12)  Ħlief għall-krona Daniża, l-ebda saldu ieħor tal-munita mhux tal-euro ma jista’ jitwettaq permezz tas-sistema T2S, peress li l-atturi rilevanti barra s-saldu taż-żona tal-euro huma inċerti dwar jekk jissiħbux, u qed jadottaw approċċ ta’ “nistennew u naraw”.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/93


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika”

(COM(2022) 105 final)

(2022/C 443/13)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Korelatur:

Ody NEISINGH

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

22.6.2022

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

200/7/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-innovazzjoni regolatorja li ġġib magħha Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa minn approċċ intersettorjali, li s-soċjetà tant qiegħda titlob.

1.2.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-firxa u l-portata tal-forom multipli ta’ vjolenza li jġarrbu n-nisa, hemm bżonn li l-politiki biex dawn jiġu miġġielda ma jkunux politiki newtrali, iżda jiġu żviluppati minn perspettiva ċara u mhux ambigwa tal-ġeneru, imfasslin b’mod li jiffaċilita l-fehim tal-ħtieġa u l-effettività tagħhom.

1.3.

Il-KESE ma jridx jonqos milli jsemmi li jqis li huwa essenzjali u urġenti li l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan, kif ukoll l-UE nnifisha, jirratifikaw kemm il-Konvenzjoni 190 tal-ILO dwar il-vjolenza u l-fastidju kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

1.4.

Il-KESE jemmen li l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa, bħall-vjolenza istituzzjonali, l-isfruttament sesswali u riproduttiv, il-fastidju fuq il-post tax-xogħol, il-vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru, is-sottomissjoni kimika, il-fastidju fit-toroq, il-fastidju sesswali fuq il-bażi ta’ sess u/jew ġeneru, jew l-isterilizzazzjoni furzata tan-nisa b’diżabilità, fost l-oħrajn, għandhom jiġu inklużi f’din id-Direttiva.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-vjolenza kontra n-nisa għandha tiġi inkluża bħala wieħed mir-reati Ewropej imsemmija fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE.

1.6.

Il-KESE jemmen li għandhom jiġu inklużi miżuri speċifiċi fil-qafas tad-djalogu soċjali u tan-negozjar kollettiv sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa ma jitilifux xogħolhom u biex jiġi garantit li l-vittmi li m’għandhomx impjieg jiġu integrati fis-suq tax-xogħol.

1.7.

Fl-approċċ adottat mill-PE u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-KESE jemmen li t-terminu “nisa fil-prostituzzjoni” għandu jintuża bħala sostitut għall-kunċett ta’ “ħaddiema tas-sess”.

1.8.

Il-Kumitat iqis li l-fatturi aggravanti għandhom jinkludu aspetti bħall-okkorrenza ta’ theddida preċedenti għall-vittma jew għall-ambjent affettiv jew familjari tagħha u l-profitt.

1.9.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet minn minoranzi etniċi u/jew kulturali (bħall-poplu Rom), in-nisa migranti, speċjalment dawk f’kundizzjonijiet amministrattivi irregolari, u l-bniet u n-nisa refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerra.

1.10.

Il-KESE jitlob ukoll li tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa b’diżabilità, li huma aktar esposti għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru minħabba d-diżabilità tagħhom.

1.11.

Fir-rigward tal-fastidju ċibernetiku, huwa jifhem li n-nuqqas ta’ kunsens u l-esponiment pubbliku fihom infushom għandhom jirrappreżentaw il-fastidju ċibernetiku.

1.12.

Il-Kumitat iqis li r-riferiment tal-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ għandu jsir mhux biss b’mod f’waqtu u koordinat, iżda wkoll b’mod prijoritarju u urġenti.

1.13.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tintegra s-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, fil-lista ta’ servizzi essenzjali ta’ appoġġ għall-vittmi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex b’mod urġenti jneħħu l-ostakoli kollha għall-aċċess għal kontraċezzjoni ta’ emerġenza u servizzi ta’ abort volontarju wara stupru.

1.14.

Il-Kumitat jargumenta li l-ordnijiet ta’ trażżin u protezzjoni ta’ emerġenza bħala salvagwardja tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-vittmi għandhom neċessarjament jipprovdu għal miżuri biex jipprevjenu lill-aggressur milli jagħti fastidju jew joqrob fiżikament lejn il-vittma.

1.15.

Il-KESE jemmen li l-aċċessibbiltà u n-natura mingħajr ħlas għandhom jiġu inklużi b’mod espliċitu fil-mekkaniżmi u l-miżuri kollha li jappoġġjaw lill-vittmi tal-vjolenza sesswali.

1.16.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal-limitazzjoni li jġib miegħu il-fatt li s-servizzi ta’ konsulenza u kura b’rabta mal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol huma biss ta’ natura esterna u li ma jiġux ikkunsidrati l-importanza tad-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-parteċipazzjoni u n-negozjati meħtieġa mal-imsieħba soċjali.

1.17.

Fid-dawl tar-rwol li għandha l-edukazzjoni fl-iffurmar tar-rwoli u l-isterjotipi tal-ġeneru, għandu jiġi estiż ir-rwol preventiv tagħha — b’mod partikolari permezz ta’ edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità — fl-istadji edukattivi kollha, u l-parteċipazzjoni tal-komunità edukattiva, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (speċjalment l-assoċjazzjonijiet femministi), l-imsieħba soċjali u l-komunitajiet milquta għandha tiġi inkluża b’mod espliċitu fil-kooperazzjoni istituzzjonali.

1.18.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-aħjar interessi tal-minorenni għandhom jipprevalu fuq id-dritt għall-aċċess fejn hemm dubji raġonevoli dwar il-possibbiltà li jiġi żgurat kuntatt sikur kemm f’termini fiżiċi kif ukoll emozzjonali.

1.19.

Il-Kumitat jilqa’ l-inklużjoni fid-Direttiva tal-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala reat speċifiku.

1.20.

Il-KESE jemmen li l-ksur usa’ tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi għandu jiġi miġġieled ukoll bħala vjolenza kontra n-nisa, bħal fil-każ tal-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika, it-tqala furzata u ċ-ċaħda tal-kura f’każ ta’ abort. Il-KESE jinnota wkoll bi tħassib li d-definizzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa ma tinkludix ir-restrizzjonijiet eżistenti relatati mal-abort prokurat b’mod liberu u sikur u mal-fastidju li jesperjenzaw in-nisa li jagħżlu liberament din l-alternattiva, speċjalment fiż-żoni qrib il-kliniki.

1.21.

Il-Kumitat jinnota bi tħassib li ma ssir l-ebda referenza għad-dritt tal-orfni tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa biex jgħixu ħajja sodisfaċenti, f’kundizzjonijiet ta’ libertà u ugwaljanza.

1.22.

Il-KESE jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li l-attività tal-lemin estrem għandha l-għan li tiġġieled il-proposti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u, b’mod partikolari, li tiċħad sistematikament il-vjolenza strutturali kontra n-nisa, dik li jġarrbu għas-sempliċi fatt li huma nisa. Din iċ-ċaħda mhux biss tikkumplika l-koeżistenza f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, iżda wkoll tattakka l-valuri u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE.

1.23.

Il-Kumitat jirrakkomanda li d-Direttiva tinkludi dikjarazzjoni finanzjarja biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri adottati permezz ta’ finanzjament pubbliku adegwat.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-vjolenza kontra n-nisa hija l-ogħla espressjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa. Din tirrappreżenta mekkaniżmu ta’ kontroll li l-oriġini tiegħu hija l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u li huwa stess ikompli jiggarantixxi u jsostni l-istess inugwaljanza.

2.2.

Il-KESE jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li l-attività tal-lemin estrem għandha l-għan li tiġġieled il-proposti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u, b’mod partikolari, li tiċħad sistematikament il-vjolenza strutturali kontra n-nisa, dik li jġarrbu għas-sempliċi fatt li huma nisa. Din iċ-ċaħda mhux biss tikkumplika l-koeżistenza f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, iżda wkoll tattakka l-valuri u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE.

2.3.

L-Istrateġija Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 għandha fost l-għanijiet fundamentali tagħha t-tmiem tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Għandha wkoll l-għan, fost affarijiet oħra, li tiġġieled kontra l-isterjotipi marbuta mal-ġeneru, li telimina d-differenza fil-pagi għall-impjegati u l-inugwaljanza fir-responsabbiltà tal-kura, li tinkiseb parteċipazzjoni ugwali fis-setturi differenti tal-ekonomija u li jinkiseb bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-attività politika.

2.4.

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija waħda mill-forom l-aktar persistenti ta’ diskriminazzjoni bejn il-ġeneri u hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-UE, nofs in-nisa (53 %) jevitaw ċerti postijiet jew sitwazzjonijiet minħabba l-biża’ li jkunu vittmi ta’ attakk fiżiku jew sesswali (1) u terz jgħidu li kienu vittmi ta’ vjolenza fiżika jew sesswali (33 %).

2.5.

Minħabba l-firxa u l-portata tal-forom multipli ta’ vjolenza li jġarrbu n-nisa, il-politiki biex dawn jiġu miġġielda jeħtieġ li ma jkunux politiki newtrali iżda żviluppati minn perspettiva ċara u mhux ambigwa dwar il-ġeneru, imfasslin b’mod li jiffaċilita l-fehim tal-ħtieġa u l-effettività tagħhom.

2.6.

Kuljum, in-nisa jkunu f’riskju ta’ vjolenza fuq il-post tax-xogħol, speċjalment dawk li jaħdmu fis-settur tat-trasport (63 % minnhom jgħidu li għaddew mill-inqas minn att wieħed ta’ vjolenza dan l-aħħar) (2) u fis-settur tas-servizzi u l-bejgħ (3).

2.7.

Il-vjolenza domestika żdiedet ukoll minħabba l-miżuri ta’ lockdown adottati biex titrażżan il-kriżi tas-saħħa li rriżultat mill-pandemija tal-COVID-19 (4).

2.8.

Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv li l-Proposta għal Direttiva għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika sabiex tiżgura livell għoli ta’ sigurtà u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. Filwaqt li nifhmu li hemm bżonn ta’ approċċ kriminali biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn approċċ olistiku u komprensiv għall-prevenzjoni, il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-qerda taghħa.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-innovazzjoni regolatorja li ġġib magħha Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa minn approċċ intersettorjali. Madankollu, jinnota li jeħtieġ li jiġu stabbiliti protokolli u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u li jkun hemm kampanji għall-professjonisti biex jiġu evitati kemm il-vjolenza istituzzjonali kif ukoll li t-tort jintefa’ fuq il-vittmi minħabba fatturi esterni, li ma jikkonċernawx l-att vjolenti, bħad-dehra jew l-attitudni tal-vittma, l-istatus tagħha, l-oriġini jew kwalunkwe karatteristika jew sitwazzjoni oħra.

3.2.

F’dan ir-rigward, għalkemm il-KESE jilqa’ l-kjarifika kunċettwali u penali li timplika l-inklużjoni fid-Direttiva ta’ definizzjonijiet dwar ċerti forom ta’ vjolenza kontra n-nisa, iqis li huwa imperattiv li l-Proposta tindirizza l-forom kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, u tinkludi definizzjoni ġenerali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħal dik li tinsab fl-Artikoli 1 u 2 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa tal-1993 jew fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

3.3.

Il-KESE jemmen li l-vjolenza kontra n-nisa kellha tiġi inkluża bħala wieħed mir-reati Ewropej imsemmija fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE.

3.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kriminalizzazzjoni tal-istupru abbażi ta’ sempliċi nuqqas ta’ kunsens, mingħajr il-ħtieġa tal-użu tal-forza jew tat-theddida biex tkun tista’ ssir il-prosekuzzjoni tiegħu. Din id-definizzjoni legali tinkorpora dan ir-reat f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul: dan il-kunċett għandu jiġi applikat għal forom ġodda ta’ stupru bħas-“sottomissjoni kimika”.

3.5.

Il-Kumitat jirrikonoxxi l-importanza li jiġu inkorporati miżuri speċifiċi mmirati lejn il-protezzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja tal-vittmi tal-vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru; madankollu, il-KESE jappella għall-inklużjoni ta’ din il-forma ta’ vjolenza fost ir-reati definiti fid-Direttiva, sabiex jiġi stabbilit qafas komuni għas-sanzjonijiet, iċ-ċirkostanzi aggravanti, il-ġurisdizzjoni u l-perjodi ta’ preskrizzjoni.

3.6.

Aktar minn nofs in-nisa Ewropej jgħidu li kienu vittma ta’ fastidju sesswali f’xi mument (55 %) (5), u għalhekk il-KESE jqis li d-Direttiva ma tistax tinjora din il-forma ta’ vjolenza kontra n-nisa la fid-definizzjoni proposta tagħha u lanqas fid-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet, iċ-ċirkostanzi aggravanti, il-ġurisdizzjoni u l-perjodi ta’ preskrizzjoni (6).

3.7.

Terz tan-nisa li ġarrbu fastidju sesswali esperjenzawh fuq il-post tax-xogħol (7). Għalhekk, il-KESE jqis li jeħtieġ li d-Direttiva tindirizza din il-forma ta’ vjolenza, kif ukoll l-implimentazzjoni u l-aġġornament minn min iħaddem ta’ azzjonijiet speċifiċi għall-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u abbażi tal-ġeneru fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-vjolenza ċibernetika jew il-fastidju ċibernetiku (8). Għalhekk, il-KESE jitlob li jiġi inkluż ir-reat tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol.

3.8.

Il-vjolenza indiretta li jesperjenzaw in-nisa peress li tkun kontra persuni li jkunu parti mill-ambjent affettiv jew familjari tagħhom, sabiex jiġu attakkati b’mod emozzjonali, timmanifesta ruħha b’mod speċjali kontra wliedhom. Il-KESE jemmen li l-aħjar interessi tal-minorenni għandhom jipprevalu fuq id-dritt għall-aċċess meta jkun hemm dubji raġonevoli dwar il-possibbiltà li jiġi żgurat kuntatt sikur mal-minorenni kemm f’termini fiżiċi kif ukoll emozzjonali.

3.9.

Billi l-awtonomija ekonomika hija element essenzjali fl-għoti tas-setgħa u l-irkupru tal-vittmi tal-vjolenza fi ħdan il-familja, il-KESE jinnota bi tħassib li fil-qafas tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv mhumiex inklużi miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li dawn il-vittmi ma jitilfux xogħolhom u biex jiġi garantit li l-vittmi li m’għandhomx impjieg jiġu integrati fis-suq tax-xogħol.

3.10.

Billi huwa konxju mir-riżultati tar-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (9), f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) kif ukoll mar-Rakkomandazzjoni Ġenerali 38 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tas-6 ta’ Novembru 2020 dwar it-traffikar ta’ nisa u bniet fil-kuntest tal-migrazzjoni globali, il-KESE jemmen li huwa xieraq li ssir referenza għalihom bħala “nisa fil-prostituzzjoni” u mhux bħala “ħaddiema tas-sess”.

3.11.

Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tqis li l-kunsens tal-vittma ma jkunx validu meta jkun hemm theddida, użu ta’ forza, sfurzar, abbuż ta’ poter jew vulnerabbiltà jew għoti jew riċeviment ta’ pagamenti jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens. Il-KESE jqis li t-tħaddim sesswali ta’ oħrajn jew il-qligħ li jinkiseb mill-isfruttament sesswali ta’ ħaddieħor għandu jiġi kopert mill-pieni previsti fil-Kapitolu 2 tad-Direttiva li jindirizza r-“reati li jikkonċernaw l-sfruttament sesswali”.

3.12.

Il-KESE jaqbel mat-tħassib espress mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (11) dwar iż-żieda fl-hekk imsejħa maternità surrogata. Huwa jaqbel mal-fehma espressa mill-Parlament Ewropew (12), li jqisha bħala forma ta’ sfruttament riproduttiv li tmur kontra d-dinjità tan-nisa. Għalhekk, huwa tal-fehma li din il-prattika — meta sseħħ f’qafas ta’ tranżazzjoni legali fejn kwalunkwe parti tagħmel profitt jew qligħ, inkluż ir-reklamar — għandha titqies bħala forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u għandha titqies fl-istess livell bħall-isfruttament sesswali (inkluż fil-Kapitolu 2 u l-Artikolu 1).

3.13.

Il-vjolenza kontra n-nisa tirrappreżenta l-aktar ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni, iżda l-prevalenza tagħha hija l-ogħla fost in-nisa u l-bniet vulnerabbli, u għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet minn minoranzi etniċi u/jew kulturali bħar-Rom.

3.14.

Il-KESE jappoġġja l-miżuri leġiżlattivi adatti kollha għall-protezzjoni tan-nisa b’diżabilità mill-forom kollha ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż, inklużi l-aspetti relatati mal-ġeneru, kif ukoll il-miżuri adatti għall-prevenzjoni tagħhom, b’mod partikolari forom adatti ta’ assistenza u appoġġ li jikkunsidraw il-kwistjonijiet ta’ ġeneru għan-nisa b’diżabilità. Għal dan il-għan, il-KESE jappoġġja l-fatt li l-faċilitajiet u l-programmi kollha maħsuba biex jaqdu lin-nisa b’diżabilità jiġu ssorveljati b’mod effettiv mill-awtoritajiet indipendenti.

3.15.

Bl-istess mod, il-KESE jappoġġja wkoll il-miżuri xierqa kollha għall-promozzjoni tal-irkupru fiżiku, konjittiv u psikoloġiku, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tan-nisa b’diżabilità li huma vittmi ta’ kwalunkwe forma ta’ vjolenza jew abbuż, inkluż permezz tal-għoti ta’ servizzi protettivi, u jitlob ukoll li tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa b’diżabilità, li huma aktar esposti għal attakki abbażi tal-ġeneru u minħabba d-diżabbiltà tagħhom (sterilizzazzjoni furzata, inkapaċità legali minn membri tal-familja).

3.16.

In-nisa migranti, speċjalment jekk ikunu f’sitwazzjoni amministrattiva irregolari, għandhom jiġu protetti bl-għoti immedjat ta’ permess ta’ residenza awtonomu u proviżorju meta jirrapportaw vjolenza (13). Barra minn hekk, jekk matul il-proċedimenti jiġi żvelat li hemm sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ dokumentazzjoni legali, l-awtoritajiet tal-migrazzjoni kompetenti ma għandhomx jiġu infurmati.

3.17.

Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-fastidju ċibernetiku u l-iskambju mhux konsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat bħala forom ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rekwiżit li biex jitqies bħala reat kriminali jirrikjedi li jkun disponibbli għal “multitudni ta’ utenti”. Dan huwa rekwiżit impreċiż, indefinit u miftuħ ħafna għall-interpretazzjoni li, min-naħa tiegħu, ma jindirizzax il-ħsara reali fir-reputazzjoni, li xi drabi hija akbar jekk il-materjal jinqasam biss ma’ persuni fl-eqreb ambjent soċjali, familjari jew tax-xogħol tal-vittmi. Il-Kumitat jifhem li n-nuqqas ta’ kunsens u l-esponiment pubbliku għandhom fihom infushom jirrappreżentaw fastidju ċibernetiku, mingħajr ma jiġi vvalutat jekk il-materjal ġiex kondiviż ma’ għadd kbir ta’ utenti jew jekk, bil-kontra, ġiex kondiviż ma’ ħafna utenti jew bosta utenti (Artikolu 7 (a) u (b), Artikolu 8(c) u Artikolu 9(a)).

3.18.

It-tixrid tal-użu tal-internet u n-networks soċjali qed jagħmel l-iskambju mhux konsenswali ta’ materjal b’kontenut sesswali dejjem aktar komuni, b’impatt akbar u għalhekk aktar ta’ ħsara għall-vittmi. Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-firxa ta’ din il-prattika u jifhem li s-sanzjonijiet u l-preskrizzjoni tar-reat previsti f’dan ir-rigward (Artikolu 7) għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikoli 12 u 15 għas-cyberstalking (Artikolu 8).

3.19.

Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit ta’ għoti ta’ taħriġ speċifiku għall-awtoritajiet kompetenti fl-ilqugħ u l-indirizzar tal-akkużi ta’ reati koperti mid-Direttiva, iżda jqis li, barra minn hekk, għandhom jiġu inklużi miżuri speċifiċi mmirati lejn il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effettività tas-sistema, kif ukoll għadhom ikunu previsti sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jikkonformaw mal-prinċipju tad-diliġenza dovuta (Artikolu 37(6)).

3.20.

Il-Kumitat jilqa’ l-ħtieġa ta’ esperjenza “suffiċjenti” għall-individwi, l-unitajiet u s-servizzi li jinvestigaw u jieħdu passi kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi l-aġenti legali, l-awtoritajiet u l-persunal tal-qorti, l-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati, l-assistenti ta’ appoġġ għall-vittmi u s-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva, il-professjonisti tal-kura, is-servizzi soċjali u edukattivi, u persunal rilevanti ieħor li jista’ jiġi f’kuntatt ma’ gruppi jew vittmi vulnerabbli. Madankollu, il-KESE jwissi dwar is-suġġettività li tista’ takkumpanja l-perċezzjoni tas-suffiċjenza jew l-insuffiċjenza tal-esperjenza. Billi wieħed mill-iżbalji ewlenin fl-intervent fil-qasam huwa preċiżament in-nuqqas ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni tal-aġenti involuti, jirrakkomanda li jkun meħtieġ ir-rekwiżit għal taħriġ speċifiku, mhux biss għall-professjonisti li jgħaddu l-akkużi jew li jiġu f’kuntatt mal-vittmi, iżda wkoll għal dawk li jipparteċipaw fil-proċess ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni previst fil-Kapitolu 3 (Artikolu 17(1)).

3.21.

Il-ħeffa li biha tingħata l-kura lill-vittmi hija ċentrali għar-rimedju, ir-riabilitazzjoni u l-irkupru adegwati tagħhom. Għalhekk, il-KESE jqis li r-riferiment tal-vittmi għas-servizzi ta’ appoġġ għandu jsir mhux biss b’mod f’waqtu u koordinat, iżda wkoll bħala prijorità u kwistjoni urġenti (Artikolu 20(2)).

3.22.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri proposti biex jiġi żgurat aċċess għall-vittmi għal servizzi ta’ appoġġ komprensivi, adattati, ġenerali u speċjalizzati li jirrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Jiddispjaċih, madankollu, li l-lista ta’ appoġġ speċjalizzat li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-vittmi (Artikolu 27(1)) tirreferi biss għall-appoġġ fl-istadju legali jew fl-investigazzjoni u l-proċess ġudizzjarju, u ma ssemmix l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, bħala essenzjali għall-vittmi. Barra minn hekk, il-KESE jinnota bi tħassib kbir li s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u l-abort, mhumiex imsemmija b’mod speċifiku bħala mhux biss servizzi essenzjali iżda wkoll servizzi urġenti ta’ appoġġ li l-vittmi tal-vjolenza sesswali għandu jkollhom aċċess għalihom (Artikolu 28). Skont in-NU u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk persuna tkun sfurzata li tkompli bi tqala li tirriżulta minn stupru, dan jista’ jikkostitwixxi forma ta’ vjolenza krudili, inumana u degradanti, li hija gravi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tintegra s-servizzi tas-saħħa, inklużi s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, fil-lista ta’ servizzi essenzjali ta’ appoġġ għall-vittmi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex b’mod urġenti jneħħu l-ostakoli kollha għall-aċċess għal kontraċezzjoni ta’ emerġenza u servizzi ta’ abort volontarju wara stupru.

3.23.

In-nisa spostati u n-nisa li qed jaħarbu mill-kunflitt huma f’riskju akbar ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-vjolenza sesswali spiss tintuża bħala arma tal-gwerra, u n-nisa u l-bniet jinsabu f’riskju akbar li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tal-isfruttament sesswali. Il-KESE jenfasizza li l-appoġġ, il-protezzjoni u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa essenzjali, bħall-kura għat-trawma psikoloġika u l-aċċess għas-servizzi sesswali u riproduttivi, inklużi l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u l-kura f’każ ta’ abort, huma ta’ importanza kbira u għandhom jingħataw fil-pajjiżi Ewropej kollha.

3.24.

Il-Kumitat jargumenta li l-ordnijiet ta’ trażżin u protezzjoni ta’ emerġenza bħala salvagwardja tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-vittmi għandhom neċessarjament jipprovdu għal miżuri biex jipprevjenu lill-aggressur milli jagħti fastidju jew joqrob fiżikament lejn il-vittma. Dan japplika mhux biss fir-rigward tar-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-aċċess għar-residenza jew għall-post tax-xogħol tal-vittma (Artikolu 21(1)), iżda wkoll fir-rigward tal-ispazju pubbliku b’mod ġenerali, meta jitqiesu sitwazzjonijiet li fihom it-tqarrib bejn il-vittma u l-aggressur jista’ jitqies bħala mġiba perikoluża tal-aggressur jew tal-persuna suspettata (Artikolu 21(2)).

3.25.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-helplines għall-vittmi u l-kura speċjalizzata f’ċentri li għalihom jiġu riferuti l-vittmi ta’ vjolenza sesswali huma aċċessibbli kuljum u mingħajr ħlas, iżda jqis li l-mekkaniżmi u l-miżuri kollha ta’ appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza sesswali għandhom ikunu espliċitament aċċessibbli u mingħajr ħlas, l-istess kif għandha tkun l-informazzjoni dwar il-miżuri preventivi, id-drittijiet li għandhom il-vittmi, kif ukoll il-proċeduri għar-rimedju u l-kumpens.

3.26.

Il-Kumitat jilqa’ l-inklużjoni ta’ appoġġ speċjalizzat fil-każ ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u t-talba biex jiġu previsti miżuri preventivi tal-Istat, madankollu, jiġbed l-attenzjoni għal-limitazzjoni li s-servizzi ta’ konsulenza u kura previsti għandhom ikunu ta’ natura esterna biss (Artikolu 30) u għall-fatt li ma ssirx referenza għall-importanza tad-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-parteċipazzjoni u n-negozjati neċessarji mal-imsieħba soċjali, speċjalment mat-trade unions bħala rappreżentanti leġittimi tal-interessi u d-drittijiet tal-ħaddiema. Jinnota wkoll bi tħassib u sorpriża li l-“konċiljazzjoni” hija kkontemplata f’dan it-tip ta’ vjolenza kontra n-nisa.

3.27.

F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li huwa essenzjali u urġenti li l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan, kif ukoll l-UE nnifisha, jirratifikaw kemm il-Konvenzjoni 190 tal-ILO dwar il-vjolenza u l-fastidju kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

3.28.

Il-Kumitat jilqa’ l-inklużjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-qasam edukattiv, inkluż it-tisħiħ tal-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità. Madankollu, minħabba r-rwol li l-edukazzjoni għandha fl-iffurmar tar-rwoli u l-isterjotipi tal-ġeneru, dan il-mandat għandu jiġi pprojettat fl-istadji kollha tal-edukazzjoni, ikunu liema jkunu, kif ukoll jinkludi b’mod espliċitu fil-kooperazzjoni istituzzjonali l-parteċipazzjoni tal-komunità edukattiva, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (speċjalment l-assoċjazzjonijiet femministi), l-imsieħba soċjali u l-komunitajiet milquta (Artikolu 36(2)).

3.29.

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv ħafna l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Istati Membri fil-ġbir tad-data u fl-investigazzjoni tal-kawżi, il-prevalenza u l-effetti tal-vjolenza fuq in-nisa. Madankollu, jistaqsi dwar l-impenn reali li jista’ jirriżulta mis-sempliċi stedina għal azzjoni magħmula bil-frażi “għandhom jappoġġaw” fl-Artikolu 44(7), u huwa tal-fehma li jkun ħafna aktar effettiv u ambizzjuż li jiġi adottat impenn li jobbliga l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi u konkreti billi jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien speċifiku (Artikolu 44(7)).

3.30.

Id-dijaspori migratorji ospitati mill-pajjiżi differenti tal-UE jobbligaw li jiġu kkunsidrati forom ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet li jiffurmaw parti min-normi kulturali tal-komunitajiet tal-oriġini. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-inklużjoni fid-Direttiva tal-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala reat speċifiku. Madankollu, iwissi dwar il-ħtieġa li tiġi eżerċitata kawtela kbira sabiex il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u prevenzjoni jevitaw l-istigmatizzazzjoni ta’ nisa li jappartjenu għal dawn il-komunitajiet u li s-sensittività kulturali prevista fl-Artikolu 37(2) fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-konsegwenzi tal-mutilazzjoni ġenitali femminili tapplika wkoll f’kampanji ta’ prevenzjoni. Il-Kumitat huwa tal-fehma li, f’dan ir-rigward, aspett essenzjali huwa li ssir ħidma ma’ u mill-komunitajiet ta’ referenza nfushom sabiex jiġu evitati u diżattivati t-tifsiriet kulturali tal-prattika (Artikolu 36(6)) (14).

3.31.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-abort furzat u l-isterilizzazzjoni furzata bħala forom speċifiċi ta’ vjolenza. Madankollu, ksur usa’ tad-drittijiet tas-saħħa, sesswali u riproduttivi, bħall-vjolenza ġinekoloġika u ostetrika, it-tqala furzata u ċ-ċaħda tal-kura f’każ ta’ abort, għandu jiġi miġġieled ukoll bħala vjolenza kontra n-nisa. Il-KESE jinnota bi tħassib li d-definizzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa ma tinkludix ir-restrizzjonijiet eżistenti relatati mal-abort porkurat b’mod liberu u sikur u mal-fastidju li jesperjenzaw in-nisa li jagħżlu liberament din l-alternattiva, speċjalment fiż-żoni qrib il-kliniki.

3.32.

Il-Kumitat jinnota bi tħassib li mhi prevista l-ebda dispożizzjoni fir-rigward tad-dritt tal-orfni tal-vittmi tal-vjolenza kontra n-nisa biex jgħixu ħajja sodisfaċenti, f’kundizzjonijiet ta’ libertà u ugwaljanza, li neċessarjament ifisser li dawn ikunu jistgħu jegħlbu s-sitwazzjoni tagħhom ta’ vulnerabbiltà partikolari, minħabba l-vjolenza li jkunu sofrew, li tiġi aggravata fil-każ tal-qtil ta’ ommijiethom, u jiksbu kumpens għaliha. F’dan l-aħħar każ, huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kumpens ċivili għar-reati li jkunu sofrew, kif ukoll li jitħaffef il-proċess tas-suċċessjoni wara d-delitt sabiex ikunu jistgħu jkollhom aċċess urġenti għad-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà u wirt (15).

3.33.

Il-Kumitat jiddispjaċih li d-Direttiva mhijiex akkumpnajata minn dikjarazzjoni finanzjarja u li, għalhekk, il-finanzjament pubbliku tad-Direttiva u tas-servizzi u l-azzjonijiet li tipproponi mhuwiex garantit.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  FRA (2014), Violence against women: an EU-wide survey (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ mal-UE kollha) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ETF (2019). Time's Up for Violence Against Women! (Għadda ż-Żmien għall-Vjolenza Kontra n-Nisa!) (mhux disponbbli bil-Malti).

(3)  Eurofound (2017). 6th European Working Conditions Survey (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol) (mhux disponbbli bil-Malti).

(4)  Unjoni Ewropea (2021). 2021 report on gender equality in the EU (Rapport tal-2021 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE) (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Studju fuq kampjun ta’ 42 000 mara. Sors: Violence against women: an EU-wide survey (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ mal-UE kollha) , l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2014, (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  B’kunsiderazzjoni tal-impenji li saru fl-attivitajiet tal-Me Too tal-Parlament Ewropew fi Frar 2019, meta l-kandidati għall-elezzjonijiet ta’ Mejju ntalbu jieħdu impenn qawwi b’mod speċifiku biex jiġġieldu l-fastidju sesswali.

(7)  Studju fuq kampjun ta’ 42 000 mara. Sors: Violence against women: an EU-wide survey (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ mal-UE kollha) , l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2014, (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  F’dan ir-rigward, il-KESE jindika l-Artikolu 48 tal-Liġi Organika 3/2007, tat-22 ta’ Marzu, bħala prattika tajba fi Spanja f’termini ta’ ugwaljanza sostanzjali tan-nisa u l-irġiel.

(9)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħha fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (2013/2103(INI)). Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Rapporteur: Mary Honeyball. A7-0071/2014. 3.2.2014. Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (2020/2029(INI)).

(10)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(11)  Nazzjonijiet Uniti. Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. Report of the Special Rapporteur on the Sale and Sexual Exploitation of Children, including Child Prostitution, Child Pornography and Other Child Sexual Abuse Material. (Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inklużi l-prostituzzjoni tat-tfal, l-użu tat-tfal fil-pornografija u materjal ieħor li juri abbuż sesswali tat-tfal., mhux disponibbli bil-Malti). A/HRC/37/60 Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. Is-37 sessjoni. 26 ta’ Frar sat-23 ta’ Marzu 2018.

(12)  Kif irrakkomandat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja […] u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015/2229(INI), li tikkundanna l-prattika ta’ maternità surrogata għaliex “timmina d-dinjità tal-bniedem tal-mara hekk kif ġisimha u l-funzjonijiet riproduttivi tagħha jintużaw bħala prodott bażiku”, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata b’mod urġenti l-legalità ta’ din il-prattika, fid-dawl tal-istrumenti differenti tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden li tiġi pprojbita prattika “li tinvolvi l-isfruttament riproduttiv u l-użu tal-ġisem tal-bniedem għal gwadann finanzjarju jew ta’ tip ieħor, b’mod partikolari fil-każ ta’ nisa vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw”.

(13)  F’dan il-qasam, il-liġi Spanjola dwar l-immigrazzjoni tikkostitwixxi prattika tajba (Artikolu 31(a) tal-Liġi Organika 4/2000).

(14)  The Multisectorial Academic Program to prevent and combat female Genital Mutilation (Il-Programm Akkademiku Multisettorali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili)(MĠF/C), (mhux disponibbli bil-Malti), Kummissjoni Ewropea 2016-2018.

(15)  F’dan ir-rigward, huwa jqis bħala prattika tajba fi Spanja l-Liġi Organika 2/2022, tal-21 ta’ Marzu, dwar it-titjib tal-protezzjoni ta’ persuni orfni li huma vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: COVID-19 — Sostenn tal-istat tat-tħejjija u r-rispons tal-UE: ħarsa ’l quddiem”

(COM(2022) 190 final)

(2022/C 443/14)

Relatur ġenerali:

Sára FELSZEGHI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 28.6.2022

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

199/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat u għadha tikkawża ħsara konsiderevoli li taffettwa kemm il-ħajja ta’ kuljum kif ukoll is-saħħa taċ-ċittadini, l-ekonomiji nazzjonali u s-soċjetà. L-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda, kif ukoll ir-riċerka f’dan il-qasam, jippermettu lill-KESE jipproponi soluzzjonijiet fit-tul sabiex l-UE tkun f’pożizzjoni aħjar biex tirrispondi b’mod sostenibbli għat-theddid għas-saħħa relatat mal-COVID-19, iżda wkoll ma’ mard infettiv ieħor, kif ukoll issaħħaħ u ttejjeb ir-rispons konġunt tal-Istati Membri u l-koordinazzjoni fuq livell dinji.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jemmen li l-UE għandha tiżviluppa kapaċità ta’ rispons immedjat għal dan il-għan, inkluż billi tisfrutta u tuża l-istrumenti eżistenti, biex tkun f’pożizzjoni li tirreaġixxi minnufih għall-emerġenza ta’ varjanti ġodda jew pandemija oħra. Huwa jirrakkomanda li titfassal strateġija li, billi tintegra l-ispeċifiċitajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u torjenta mill-ġdid il-ħidma mwettqa minn kull pajjiż individwali f’direzzjoni waħda, tipprovdilna sett ta’ għodod li jkopri l-aspetti kollha tal-prevenzjoni (tilqim, miżuri preventivi tas-saħħa, edukazzjoni, komunikazzjoni, eċċ.), tal-irkupru mill-mard (mediċini, kura tal-pazjenti, riabilitazzjoni medika, kura, eċċ.), tar-riintegrazzjoni (fil-post tax-xogħol, fl-iskejjel) u tal-kura fit-tul (b’attenzjoni partikolari għall-persuni li jbatu minn COVID fit-tul), kif ukoll tiżgura l-aċċess għar-riżorsi ekonomiċi eżistenti u futuri.

1.3.

It-tilqim huwa wieħed mill-pilastri tal-prevenzjoni. Fil-katina epidemjoloġika (is-sors tal-infezzjoni, ir-rotta tat-trażmissjoni, l-organiżmu riċettiv), dan jippermetti li jiġu mblukkati fl-istess ħin żewġ ħolqiet importanti (is-sors tal-infezzjoni u l-organiżmu riċettiv). Għalhekk huwa essenzjali li din l-istrateġija tiġi analizzata kontinwament u li jiġu inkorporati elementi ġodda matul l-implimentazzjoni tagħha. Issa li għelbu d-diffikultajiet tal-bidu, l-UE u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom strateġija ta’ tilqim. L-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini pprovdiet aċċess għal kwantità suffiċjenti ta’ vaċċini sikuri u effettivi għal kulħadd. Madankollu, f’diversi Stati Membri, ir-rati ta’ kopertura tat-tilqim qed jistaġnaw u/jew baqgħu taħt il-limitu ottimali (1). Ir-riskju jiżdied ukoll minħabba l-effettività aktar baxxa tal-vaċċin fost il-persuni li għadhom ma rċevewx doża booster (inklużi madwar 9 miljun persuna li għandhom 60 sena u aktar) (2).

1.4.

Il-KESE jemmen li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata, b’mod partikolari, minn tnaqqis fil-viġilanza, nuqqas ta’ effettività tal-kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni, u minħabba diżinformazzjoni. Għalhekk, jirrakkomanda t-tisħiħ tal-komunikazzjoni kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Membri; id-detezzjoni tad-diżinformazzjoni fi stadju bikri u l-adozzjoni tal-kontromiżuri meħtieġa; kif ukoll l-iżgurar tal-iżvilupp u l-akkwist ta’ vaċċini kumplessi ġodda li, flimkien, għandhom jipproteġu kemm kontra varjanti ġodda kif ukoll kontra infezzjonijiet multipli (pereżempju, il-COVID-19 u l-influwenza).

1.5.

Hekk kif qed niffaċċjaw pandemija globali, ma nistgħux nillimitaw ir-riflessjonijiet tagħna għall-Istati Membri tal-UE biss fir-rigward tal-miżuri ta’ tilqim. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-UE u ta’ ċerti Stati Membri biex, b’konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà (Tim Ewropa), jappoġġjaw lill-pajjiżi msieħba (3) u lill-Unjoni Afrikana (kif tħabbar fis-Summit ta’ Frar 2022), mhux biss fil-qasam tat-tilqim, iżda wkoll fil-ġestjoni tal-impatt soċjoekonomiku u fuq is-saħħa tal-pandemija.

1.6.

Element importanti ieħor tal-miżuri kontra l-pandemija huwa l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kompiti tas-saħħa pubblika minn Stati Membri individwali, u li huma parti mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji. Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqdu rwol ewlieni ta’ koordinazzjoni u gwida teknika f’dan ir-rigward, sabiex isaħħu l-implimentazzjoni u l-effettività tal-kompiti tas-saħħa pubblika u jiżguraw sistema ta’ protezzjoni reżiljenti.

1.7.

Meta naqset l-intensità tar-riskju ta’ epidemija, il-pajjiżi individwali bidlu l-istrateġiji tal-ittestjar tagħhom. It-testijiet qed isiru fuq il-persuni b’sintomi tal-infezzjoni tal-COVID-19 u l-persuni f’kuntatt dirett tagħhom, il-persuni f’riskju ta’ mard serju u dawk li huma f’kuntatt regolari ma’ gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni (bħall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u l-ħaddiema tas-servizzi soċjali). Peress li dan l-approċċ inaqqas l-għadd ta’ persuni ttestjati, x’aktarx li l-interpretazzjoni tad-data epidemjoloġika se ssir iżjed diffiċli. B’mod parallel ma’ dawn l-istrateġiji tal-ittestjar riveduti, huwa għalhekk importanti wkoll li tiġi żgurata l-affidabbiltà tat-testijiet u r-rappreżentattività epidemjoloġika, sabiex jiġu pprovduti punti ta’ referenza utli dwar ix-xejriet epidemjoloġiċi li jippermettu rispons rapidu.

1.8.

L-Istati Membri individwali jużaw testijiet rapidi tal-antiġeni biex isaħħu aktar il-kapaċità tal-ittestjar ġenerali tagħhom, b’mod partikolari fil-każi fejn hemm kapaċitajiet limitati għat-testijiet tal-PCR jew fejn huma meħtieġa riżultati aktar rapidi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kliniċi. Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE waqqaf grupp ta’ ħidma tekniku speċifiku biex jirrieżamina u jaġġorna fuq bażi regolari lista komuni tal-UE ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni li jissodisfaw kriterji speċifiċi ta’ prestazzjoni għad-detezzjoni tas-SARS-CoV-2 (4), sabiex jiġu żgurati kemm it-tnaqqis tal-għadd ta’ riżultati pożittivi foloz jew negattivi foloz (li huwa importanti biex tingħata stampa realistika tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u biex il-miżuri ta’ kontroll tal-pandemija jkunu iżjed effettivi) kif ukoll id-detezzjoni affidabbli ta’ infezzjonijiet ikkawżati minn mutazzjonijiet ġodda.

1.9.

Fost miżuri oħra biex tiġi miġġielda l-epidemija, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-importanza tal-ventilazzjoni. Qatt ma tista’ tiġi enfasizzata biżżejjed l-importanza ta’ ventilazzjoni naturali frekwenti: hija ħaġa faċli biex tiġi implimentata u jkun biżżejjed li tingħata attenzjoni. Il-ventilazzjoni mekkanika hija kwistjoni differenti. Jekk is-sistema ta’ ventilazzjoni ma tkunx tista’ tiġi diżinfettata b’mod effettiv jew jekk il-ventilazzjoni ma tkunx biżżejjed, is-SARS-CoV-2 jiġi trażmess prinċipalment f’żoni fuq ġewwa (pereżempju, fl-uffiċċji, fil-postijiet tax-xogħol, fl-istabbilimenti edukattivi, fiċ-ċentri kummerċjali, eċċ.). Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-użu ta’ tagħmir mgħammar b’filtri ta’ kwalità għolja (5), b’mod partikolari fil-postijiet imsemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jagħmlu aktar sforzi (f’termini ta’ innovazzjoni teknika u riżorsi finanzjarji). Minħabba t-tnaqqis fl-intensità tal-pandemija, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri abolixxew l-obbligu ta’ lbies ta’ maskri (ħlief fil-faċilitajiet tas-saħħa). Madankollu, il-KESE jirrakkomanda, b’mod partikolari li l-gruppi vulnerabbli (ta’ ’l fuq minn 60 sena, persuni b’mard kroniku, persuni mhux vaċċinati, eċċ.) ikomplu jilbsu maskri, jirrispettaw id-distanzijiddiżinfettaw idejhom meta jkunu f’postijiet aktar iffullati, fi kmamar b’ventilazzjoni baxxa, u fit-trasport pubbliku, eċċ., u b’hekk inaqqsu r-riskju ta’ infezzjoni u l-probabbiltà li l-epidemija terġa’ taggrava.

1.10.

Il-KESE japprova u jappoġġja l-fehma tal-esperti li l-objettiv tas-sorveljanza epidemjoloġika m’għandux jibqa’ jkun li jiġu identifikati u rrappurtati l-każijiet kollha, iżda pjuttost li jiġu pprovduti stimi affidabbli tal-intensità tat-trażmissjoni komunitarja, l-inċidenza ta’ forom serji tal-marda u l-effettività tat-tilqim. Filwaqt li jisfruttaw id-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni dwar is-saħħa, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji biex jistabbilixxu mill-ġdid is-sistemi ta’ sorveljanza sentinella (6) b’enfasi fuq infezzjonijiet respiratorji akuti, u jagħmlu dan billi jibbażaw fuq il-kura primarja u sekondarja u jikkomplementawhom billi jsaħħu sistemi oħra ta’ monitoraġġ, bħall-monitoraġġ tal-ilma mormi. Sabiex tkun tista’ tiġi interpretata din id-data, huwa essenzjali li jiġu definiti malajr kemm jista’ jkun il-kriterji għal sistema unika rappurtar, li tkun responsabbiltà kondiviża tal-UE u tal-Istati Membri.

1.11.

Biex iċ-ċittadini tal-Istati Membri jaċċettaw u jipparteċipaw b’mod attiv fil-miżuri għall-ġlieda kontra l-pandemija, huwa importanti li wieħed jifhem ir-rabtiet kawżali. Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ sistema edukattiva li tkopri n-network tas-saħħa, l-edukazzjoni fl-iskejjel, l-edukazzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-midja. Mhux biss l-Istati Membri, iżda wkoll l-UE u d-WHO, għandhom iħejju l-materjal pedagoġiku meħtieġ. Dan għandu jgħin biex jiżdiedu b’mod sinifikanti l-kopertura tat-tilqim u l-kooperazzjoni tal-pubbliku fil-prevenzjoni tal-epidemija u biex titnaqqas il-probabbiltà li l-aħbarijiet foloz jinxterdu u jitqiesu bħala verità.

1.12.

Xi atturi sfruttaw il-pandemija, billi mmanipulaw l-informazzjoni u wettqu interferenza, inkluż bid-diżinformazzjoni, biex irawmu u jħarrxu s-sentimenti taċ-ċittadini ta’ nuqqas ta’ sigurtà, biżgħat u tħassib reali, u b’hekk ipperikolaw ħajjet iċ-ċittadini u, fuq kollox, dgħajfu l-effettività tar-rispons għall-pandemija u għawru l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet inkarigati biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19. Minbarra l-miżuri li ttieħdu s’issa mill-UE u l-Istati Membri tagħha, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ osservazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni li, minbarra li tidentifika informazzjoni falza, tidentifika b’tikketta dik l-informazzjoni vvalidata mill-esperti sabiex tiċċertifika l-awtentiċità u l-veraċità tagħha; din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata b’mod robust sabiex iċ-ċittadini tal-Istati Membri jkunu jistgħu jitgħallmu dwarha, b’mod partikolari bil-lingwa materna tagħhom.

1.13.

Il-kura għall-COVID-19 hija kompitu kumpless: tinvolvi mhux biss it-trattament mediku, iżda wkoll il-kura tal-pazjenti, ir-riabilitazzjoni medika u r-riintegrazzjoni fil-post tax-xogħol, kif ukoll il-kura fit-tul. Il-KESE jirrakkomanda t-tfassil ta’ dokumenti tekniċi (linji gwida) li jkun fihom l-elementi kollha tat-trattamenti mogħtija, li l-verżjoni aġġornata tagħhom tkun disponibbli online (bil-lingwi uffiċjali ta’ kull Stat Membru).

1.14.

Fost dawn l-elementi, minbarra t-trattament innifsu, ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni huma fost l-elementi ewlenin għas-saħħa u l-benesseri taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema. Ir-riintegrazzjoni fil-post tax-xogħol/fl-iskejjel b’suċċess huma żgurati rispettivament mis-servizz tas-saħħa okkupazzjonali u mis-servizz tas-saħħa fl-iskejjel, peress li dawn jikkaratterizzaw il-perkors abbażi tat-tip ta’ xogħol u r-rekwiżiti, u b’hekk inaqqsu b’mod sinifikanti l-għadd ta’ jiem ta’ mard u l-assenteiżmu, iħaffu l-pass tal-proċess ta’ riabilitazzjoni u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li, wara l-fażi ta’ riabilitazzjoni istituzzjonali, il-pazjent ikun jista’ jibbenefika minn riabilitazzjoni u riintegrazzjoni organizzati mis-servizz tas-saħħa okkupazzjonali jew mis-servizz tas-saħħa fl-iskejjel; ikun jaqbel li, fil-livell ta’ kull Stat Membru, jinħoloq il-qafas ġuridiku u l-materjal għal riabilitazzjoni u riintegrazzjoni b’suċċess permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-impjegaturi (implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol meħtieġa), is-servizz tas-saħħa okkupazzjonali u s-servizz tas-saħħa fl-iskejjel (li jiżguraw ambjent professjonali personalizzat għar-riintegrazzjoni) u l-ħaddiema (bħala parteċipanti attivi), u dan għandu jġib miegħu wkoll vantaġġi konsiderevoli fil-qasam tas-saħħa pubblika u mil-lat ekonomiku, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Unjoni.

1.15.

Il-COVID-19 hija marda kumplessa b’impatt dirett u indirett fuq is-saħħa. Għalkemm għadna m’aħniex konxji tal-effetti kollha, nafu li hija marda infjammatorja li taffettwa kważi l-organi kollha (il-qalb, il-pulmun, il-moħħ, is-sistema lokomotorja, il-kliewi, l-organi tad-diġestjoni, eċċ.), u li l-pazjenti jkomplu juru sintomi għal ġimgħat jew saħansitra xhur wara li jirkupraw mill-fażi akuta tal-marda — l-hekk imsejħa “COVID fit-tul”. Dawn il-persuni jeħtieġu kura u riabilitazzjoni speċjalizzati. Il-KESE jirrakkomanda li, minbarra l-appoġġ (professjonali u ekonomiku) tal-UE, kull Stat Membru għandu jiffaċilita s-servizz tas-saħħa okkupazzjonali sabiex jingħataw servizzi preventivi tas-saħħa mentali faċilment aċċessibbli għall-persunal (professjonisti tas-saħħa mentali jew psikologi skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru) sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għar-riabilitazzjoni ta’ persuni li jbatu minn mard mentali (deterjorament tal-ħiliet konjittivi, kapaċità ta’ tagħlim imnaqqsa u diversi gradi ta’ dipressjoni). Tali approċċ huwa aktar u aktar ġustifikat peress li l-mard mentali ma jseħħx biss fil-każ ta’ “COVID fit-tul”: iċ-ċirkostanzi li jirriżultaw mill-pandemija (lockdown, nuqqas ta’ sigurtà, biża’, solitudni, eċċ.) jistgħu jwasslu wkoll għal dipressjoni, li spiss twassal għal dipendenza u anke, fl-aktar każijiet serji, suwiċidji, b’konsegwenzi kbar fuq is-saħħa pubblika u fil-livell tal-ekonomija u tas-soċjetà.

1.16.

Mhux l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom l-istess saħħa ekonomika. Sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà, l-effettività u l-koordinazzjoni kemm fis-sistemi tas-saħħa u tas-saħħa pubblika kif ukoll fl-industrija tas-saħħa, il-KESE jirrakkomanda li l-istrateġija teknika tkun akkumpanjata minn riżorsi finanzjarji speċifiċi tal-UE (minbarra l-fondi eżistenti), li jippermettu sistemi ta’ protezzjoni effettivi, sostenibbli u reżiljenti fl-istess livell.

2.   Sommarju tal-pożizzjoni adottata

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha diversi impatti fuq is-saħħa pubblika, is-sistemi tas-saħħa tagħna, l-ekonomiji tagħna u l-istil ta’ ħajja b’mod ġenerali. Il-proposti tal-Kumitat fil-kapitolu dwar Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet huma kontinwazzjoni tal-miżuri tal-UE biex jitnaqqsu r-riskji u għandhom ikomplu jippromovu s-sostenibbiltà, l-effettività u r-reżiljenza tas-sistema. Fil-fehma tagħna, it-tnaqqis fl-intensità l-pandemija huwa biss temporanju u, għalkemm it-taffija tal-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju hija utli ħafna, speċjalment għaċ-ċittadini, is-sistemi tas-saħħa u l-atturi ekonomiċi, jeħtieġ li nħejju għall-possibbiltà li l-pandemija terġa’ taggrava, u għalhekk huwa essenzjali li nibqgħu attenti. Il-KESE jittama li l-adozzjoni tal-proposti tiegħu tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jipprevjenu, iħejju u jirrispondu għall-kriżijiet tas-saħħa, biex jimmaniġġjaw b’mod sostenibbli r-riskji tas-saħħa relatati mhux biss mal-COVID-19 iżda wkoll ma’ mard ieħor komunikabbli, u biex isaħħu u jtejbu r-rispons u l-koordinazzjoni tal-Istati Membri bejniethom u f’livell dinji.

3.   Tibdil propost għall-proposta leġiżlattiva kkonċernata

3.1.

Minbarra l-istrateġija eżistenti u bil-ħsieb li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, huwa importanti li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw strateġija kumplessa li, billi tintegra l-ispeċifiċitajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u torjenta mill-ġdid il-ħidma mwettqa minn kull pajjiż individwali f’direzzjoni waħda, tipprovdilna sett ta’ għodod, li jkopri l-aspetti kollha tal-prevenzjoni (tilqim, miżuri preventivi tas-saħħa, edukazzjoni, komunikazzjoni, eċċ.), tal-irkupru mill-mard (mediċini, kura tal-pazjenti, riabilitazzjoni medika, kura, eċċ.), tar-riintegrazzjoni (fil-post tax-xogħol, fl-iskejjel) u tal-kura fit-tul (b’attenzjoni partikolari għall-persuni li jbatu minn COVID fit-tul), kif ukoll tiżgura l-aċċess għar-riżorsi ekonomiċi eżistenti u futuri.

3.2.

Il-Kumitat jirrakkomanda t-tisħiħ tal-komunikazzjoni u tal-midja kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Membri, l-identifikazzjoni tad-diżinformazzjoni fi stadju bikri u l-adozzjoni tal-kontromiżuri meħtieġa, kif ukoll l-iżgurar tal-iżvilupp u l-akkwist ta’ vaċċini kumplessi ġodda li, flimkien, għandhom jipproteġu kemm kontra varjanti ġodda kif ukoll kontra infezzjonijiet multipli (pereżempju, il-COVID-19 u l-influwenza).

3.3.

Sabiex tiġi evitata d-diżinformazzjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ osservazzjoni u ċertifikazzjoni li, minbarra li tidentifika informazzjoni falza, timmarka b’tikketta l-informazzjoni ċċertifikata minn professjonisti, u b’hekk tagħti prova tal-kredibbiltà u l-veraċità tagħha għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

3.4.

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-KESE għandhom jaqdu rwol importanti ta’ koordinazzjoni u jappoġġjaw il-proċess b’mod li tissaħħaħ l-implimentazzjoni u l-effettività tal-kompiti tas-saħħa pubblika, tiġi żgurata sistema ta’ protezzjoni reżiljenti, tingħata gwida teknika u fl-istess ħin tiġi żgurata informazzjoni adatta lis-soċjetà ċivili.

3.5.

--Għandhom jiġu previsti riżorsi finanzjarji speċifiċi (li jżidu s-sorsi eżistenti ta’ finanzjament) sabiex jiġu eliminati l-iżbilanċi ekonomiċi fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa.

3.6.

Il-KESE jirrakkomanda li fl-Istati Membri kollha titwaqqaf sistema edukattiva li tkopri n-network tas-saħħa, l-edukazzjoni fl-iskejjel, l-edukazzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-midja. Filwaqt li huwa f’idejn l-Istati Membri biex iħejju l-materjal pedagoġiku meħtieġ għal dan il-għan, l-UE u d-WHO għandhom ikunu involuti wkoll f’dan il-proċess.

3.7.

Wara l-fażi ta’ riabilitazzjoni istituzzjonali, il-pazjent għandu jkun jista’ jibbenefika minn riabilitazzjoni u riintegrazzjoni organizzati mis-servizz tas-saħħa okkupazzjonali jew mis-servizz tas-saħħa fl-iskejjel; ikun jaqbel li jinħoloq il-qafas ġuridiku u l-materjal għal riabilitazzjoni u riintegrazzjoni b’suċċess, b’konformità mal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-impjegaturi (implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol meħtieġa), is-servizz tas-saħħa okkupazzjonali u s-servizz tas-saħħa fl-iskejjel (li jiżguraw ambjent professjonali personalizzat għar-riintegrazzjoni) u l-ħaddiema (bħala parteċipanti attivi).

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat iqis li l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea (7) biex tiżgura li l-objettivi politiċi ġenerali tal-UE jiġu żviluppati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija waħda essenzjali. Fost dawn l-objettivi politiċi hemm ir-rispons tal-Kummissjoni Ewropea għall-coronavirus (8) u l-pjan ta’ rkupru tagħha (9). Iż-żewġ elementi li jikkostitwixxu l-akbar pakkett ta’ rkupru li qatt ġie ffinanzjat fl-Ewropa huma l-baġit fit-tul tal-UE u l-istrument temporanju għall-irkupru NextGenerationEU.

4.2.

Il-fatt li qed jitħejja abbozz ta’ Opinjoni fuq inizjattiva proprja (INT/989) dwar it-tħejjija f’każ ta’ emerġenza b’mod parallel ma’ din l-Opinjoni jenfasizza l-importanza tal-proposti li qed jiġu diskussi. L-għan tal-Opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li l-KESE jkun jista’ jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet u l-azzjonijiet futuri dwar it-tħejjija għall-emerġenzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt fuq in-negozji mill-perspettiva tas-suq uniku, il-produzzjoni u l-konsum.

4.3.

F’Opinjoni oħra (10), il-KESE jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA), li l-missjoni tagħha hija li tipprevjeni, tidentifika u tirrispondi malajr għal emerġenzi tas-saħħa transfruntiera. Filwaqt li l-KESE jilqa’ din l-inizjattiva, jinsab imħasseb dwar ir-rwol limitat ħafna li l-HERA tagħti lill-Parlament Ewropew, lill-awtoritajiet pubbliċi reġjonali, lill-entitajiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jirrakkomanda trasparenza akbar fir-rigward tal-fondi minfuqa mill-HERA u permezz tagħha, u adattament tal-istruttura tal-HERA.

4.4.

F’Opinjoni oħra (11), il-KESE iqis li ċ-“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE” għandu jissemplifika l-passi li għandhom jittieħdu mill-vjaġġaturi u jiffaċilita l-moviment tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, iżda jinsisti li l-pussess ta’ ċertifikat diġitali m’għandux jeżentahom mill-konformità ma’ miżuri oħra ta’ tnaqqis tar-riskju iżda, madankollu, għandu jitqies bħala strateġija ta’ tranżizzjoni għall-pajjiżi li jeħtieġu mekkaniżmu permanenti li jippermetti li ċ-ċertifikat jiġi vvalutat mill-ġdid b’mod kostanti wara l-adozzjoni tiegħu.

4.5.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li dan l-aħħar abbozza diversi Opinjonijiet li huma marbuta mill-qrib mat-tħejjija għall-kriżi tal-COVID-19, fosthom l-Opinjoni SOC/665 (12), li tenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għal kulħadd għal kura tas-saħħa u servizzi soċjali ta’ kwalità tajba, jieħdu miżuri adatti biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza għall-professjonisti tas-saħħa, u jiżguraw li l-aċċess għat-tilqim jibqa’ ben pubbliku u li l-innovazzjonijiet u r-rispons mediku jkunu aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mil-livell ta’ introjtu tagħhom u l-Istat Membru jew ir-reġjun fejn jirrisjedu. Fid-dawl tal-mandat imġedded taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li t-tnaqqis tal-inugwaljanzi tas-saħħa fl-UE jkun fil-qalba tal-ħidma taċ-Ċentru u li jiġi żgurat li, f’dan il-kuntest, il-mard mhux komunikabbli jingħata wkoll l-attenzjoni meħtieġa. Fir-rigward tat-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), il-Kumitat iħeġġeġ lill-gruppi ta’ tmexxija dwar il-farmaċewtiċi u l-apparat mediku jinvolvu lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali u jikkonsultawhom b’mod li jkun utli.

4.6.

F’Opinjoni oħra (13), il-KESE jitlob li jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli mekkaniżmu Ewropew ta’ koordinazzjoni u intervent rapidu. Hemm il-ħtieġa li titwaqqaf task force mingħajr dewmien, li tkun magħmula minn esperti li jaġixxu bħala koordinaturi tal-għarfien u r-riżorsi, sabiex jinħoloq network li jlaqqa’ flimkien l-aħjar ċentri tal-viroloġija u tal-epidemjoloġija u l-aħjar kapaċitajiet fid-dijanjostika. Il-KESE jemmen li l-programm għas-saħħa jista’ jikseb riżultati tanġibbli biss jekk jiffavorixxi approċċ inklużiv, li jinvolvi organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-partijiet interessati fil-qasam tas-saħħa li għandhom l-aħjar għarfien dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini fuq il-post, kif ukoll billi jiġu evalwati regolarment l-objettivi tiegħu.

4.7.

F’Opinjoni oħra (14), il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni, bl-Istrateġija Farmaċewtika l-ġdida għall-Ewropa, mhux biss li trawwem il-kompetittività tal-industrija iżda wkoll li tiżgura l-provvista ta’ mediċini sikuri, ta’ kwalità għolja u affordabbli u li tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri. Huwa jenfasizza r-rwol fundamentali ta’ suq uniku operattiv, ġust u effettiv, li jinkoraġġixxi u jippremja progress mediku ġenwin, b’valur miżjud reali għas-saħħa, u li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività sabiex jiżgura aċċess ġust u finanzjarjament vijabbli għall-mediċini.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://www.ecdc.europa.eu/en/news-events

(2)  ECDC, Monitoraġġ tat-tilqim kontra l-COVID-19, https://ec.europa.eu/health/health-security-and-infectious-diseases/crisis-management_mt

(3)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/fs_22_870

(4)  Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar it-Testijiet Dijanjostiċi tal-COVID-19, https://health.ec.europa.eu/health-security-and-infectious-diseases/crisis-management_mt

(5)  Pereżempju, apparat awtonomu għall-purifikazzjoni tal-arja mgħammar b’filtri HEPA (filtru tal-arja partikolata effiċjenti ħafna) jew filtri b’effiċjenza komparabbli u b’sistemi ta’ sterilizzazzjoni bir-radjazzjoni UV, kif ukoll apparat installat fil-pajpijiet tat-tisħin, tal-ventilazzjoni u tal-arja kundizzjonata jew imqiegħed biżżejjed fl-għoli fil-kmamar (sistemi ta’ sterilizzazzjoni bir-radjazzjoni UV installati viċin is-soqfa).

(6)  Is-sorveljanza sentinella tippermetti l-monitoraġġ tar-rata ta’ inċidenza ta’ ċertu mard jew kundizzjonijiet permezz ta’ network volontarju ta’ tobba, laboratorji u servizzi tas-saħħa pubblika sabiex tiġi vvalutata l-istabbiltà jew l-evoluzzjoni tal-livelli tas-saħħa ta’ popolazzjoni partikolari.

(7)  https://ec.europa.eu/info/strategy_mt

(8)  https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response_mt

(9)  https://ec.europa.eu/info/strategy/recovery-plan-europe_mt

(10)  ĠU C 275, 18.7.2022, p. 58.

(11)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 146.

(12)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109.

(13)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 251.

(14)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 53.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/106


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari”

(COM(2022) 141 final)

(2022/C 443/15)

Relatur:

Florian MARIN

Korelatur:

Antonello PEZZINI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

24.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-industrija tat-tessuti għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-għanijiet ambjentali tal-UE, u trid issir responsabbli għall-impatt ambjentali tagħha. Irid jinkiseb bilanċ tajjeb bejn l-ispejjeż ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja għall-produtturi tat-tessuti u l-kompetittività tal-industrija.

1.2.

Sabiex tħaddan it-tranżizzjoni ċirkolari u dik diġitali, l-ekosistema tat-tessuti teħtieġ miżuri adatti u flessibbli li jindirizzaw il-karatteristiċi partikolari tagħha. Il-kreattività u l-innovazzjoni sostenibbli jridu jkunu parti integrali mill-Istrateġija għat-Tessuti.

1.3.

Il-Kumitat jappoġġja l-ħtiġijiet estensivi tat-tikkettar relatati mal-grad tar-riċiklaġġ u l-impronta tal-prodotti tat-tessuti bħala inċentiv possibbli għall-konsumaturi, biex ikunu jistgħu jagħżlu prodotti sostenibbli u biex jagħżlu wkoll il-kwalità fuq il-kwantità, iżda dan jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u kampanja ta’ informazzjoni fuq skala kbira fuq livell Ewropew.

1.4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) huwa mħasseb dwar prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni u jitlob aktar sorveljanza tas-suq tal-prodotti importati u koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar. Il-Kumitat jappella għal miżuri li jiżguraw ekwilibriju bejn l-atturi fil-ktajjen tal-provvista tat-tessuti u jirrakkomanda li jitnedu l-aħjar prattiki tas-sostenibbiltà globali, f’konformità sħiħa mal-istandards tekniċi CEN, CENELEC u ETSI, u jenfasizza wkoll id-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

1.5.

Il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ tisħiħ tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti u dawk futuri, u jiġu introdotti paragrafi dwar is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

1.6.

Il-Kumitat kien qed jistenna aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali fis-settur, peress li t-tranżizzjoni ekoloġika trid timxi id f’id mat-tranżizzjoni ġusta. Jenħtieġ li jitħejjew aktar inizjattivi relatati mad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.

1.7.

Il-Kumitat jindika l-ħtieġa għal investimenti u programmi biex jiġu kkonsolidati l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ spezzjoni u l-kapaċità operattiva tal-imsieħba soċjali għall-monitoraġġ tal-ftehimiet globali, id-drittijiet fundamentali u dawk tal-ħaddiema. L-użu intelliġenti tal-fondi ta’ koeżjoni jrid jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni.

1.8.

Il-KESE jikkunsidra li jenħtieġ li tingħata għajnuna supplimentari lill-Istati Membri f’termini ta’ kooperazzjoni transfruntiera, ta’ sorveljanza tas-suq, ta’ kontroll effettiv u ta’ standards armonizzati, u jitlob li jkun hemm proċess ta’ monitoraġġ sovranazzjonali.

1.9.

Il-Kumitat jappoġġja d-diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji kollha tal-UE, b’appoġġ speċifiku għall-konformità tal-SMEs, u jitlob għal miżuri stretti li jipprojbixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet li jużaw it-tħaddim tat-tfal jew li jonqsu milli jirrispettaw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, kif speċifikat fil-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO.

1.10.

Il-fondi tal-UE investiti fis-settur għandhom jinkludu kriterji soċjali u ambjentali għall-finanzjament tal-proġetti, u l-KESE jitlob inizjattiva dedikata/apposta tal-UE biex jittejbu s-sigurtà soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-pagi fis-settur tat-tessuti, bl-involviment tal-imsieħba soċjali, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.

1.11.

It-tranżizzjoni lejn mudelli ġodda ta’ negozju sostenibbli u bbażati fuq l-ekodiżinn teħtieġ politiki effettivi li jittrattaw il-materjali u d-disinn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, l-iżvilupp tas-suq, l-użu u l-użu mill-ġdid, il-ġbir u r-riċiklaġġ. Trid tkun ikkomplementata minn żieda fl-opportunitajiet ta’ finanzjament u inċentivi għall-produtturi lokali biex ibiddlu l-proċessi ta’ produzzjoni lejn prodotti ta’ kwalità għolja, durabbli u riċiklabbli.

1.12.

L-iskema futura tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur għandha tinkoraġġixxi r-riċiklaġġ tat-tessuti minn fibra għal fibra minflok il-proċessi foloz ta’ ċirkolarità, u trid tkun akkumpanjata mill-ħolqien ta’ punti ta’ ġbir suffiċjenti fir-reġjuni kollha tal-Istati Membri kollha, anke fiż-żoni rurali.

1.13.

Il-KESE jitlob kampanji nazzjonali li jippromovu opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tat-tessuti, kif ukoll programmi ta’ finanzjament għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ apprendistat.

1.14.

Il-Kumitat jappella għal regoli soċjali u ambjentali speċifiċi għas-settur u armonizzati għall-akkwist pubbliku fl-Unjoni. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat tripartitiku Ewropew, li jinkludi lill-imsieħba soċjali u ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu mmonitorjati u appoġġjati l-kriterji soċjali jew ambjentali fil-prattiki tax-xiri fis-settur tat-tessuti.

2.   Aspetti ta’ kompetittività

2.1.

Il-KESE jinnota l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (1), iżda jqis li din il-Komunikazzjoni hija biss dikjarazzjoni ta’ passi meħtieġa u ta’ azzjonijiet leġiżlattivi, impenji u atti delegati futuri, aktar milli azzjonijiet konkreti li jimmiraw lejn dawn l-għanijiet u jilħquhom b’mod selettiv għas-settur tat-tessuti. Il-Kumitat kien lest li jidħol f’diskussjoni aktar dettaljata u kien qed jistenniha bil-ħerqa, iżda japprezza l-introduzzjoni tat-tessuti fid-diskussjoni u jqis li s-16-il inizjattiva leġiżlattiva futura mħabbra jenħtieġ li jkunu koerenti, realistiċi u infurzabbli.

2.2.

L-ekosistema tat-tessuti hija waħda ferm komposta, b’karatteristiċi partikolari għal kull komponent li jirrikjedi miżuri adatti u adattivi. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni sostenibbli ċirkolari u diġitali adatti, dawn l-ispeċifiċitajiet iridu jiġu indirizzati b’gradwalità adegwata u mhux permezz ta’ approċċ ta’ “universalità”. Il-gwerra fl-Ukrajna u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija qed iżidu piż fuq il-produttività u l-prestazzjoni tas-settur.

2.3.

Iż-żieda mgħaġġla tax-xiri online ħolqot kwistjoni ta’ kompetittività għall-kumpaniji tat-tessuti u l-industrija qiegħda tbati, speċjalment fil-konfront tal-pjattaformi l-kbar. Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji li qed joperaw f’diversi Stati Membri u pajjiżi terzi. Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ regolazzjoni tas-swieq diġitali u monitoraġġ sovranazzjonali u jenħtieġ li tingħata għajnuna supplimentari lill-Istati Membri f’termini ta’ kooperazzjoni transfruntiera, sorveljanza tas-suq, kontroll effettiv u standards armonizzati.

2.4.

Il-politika tax-xiri, ir-relazzjoni bejn id-ditti u s-sottokuntratturi differenti, il-volumi għoljin u l-prezzijiet baxxi huma fatturi li jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema. L-influwenza enormi tad-ditti fil-livell tal-katina ta’ provvista hija fattur li jista’ jdgħajjef l-isforzi tal-manifatturi biex jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-bniedem u l-kundizzjonalitajiet ambjentali. Il-KESE jitlob miżuri li jiżguraw ekwilibriju bejn l-atturi fil-ktajjen tal-provvista. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda b’mod qawwi li l-istrateġija tat-tessuti tal-UE u l-azzjonijiet futuri relatati kollha għandhom jieħdu kont dovut tal-partikolaritajiet tal-SMEs kif imiss u li l-miżuri kollha jkunu preċeduti u akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt speċifika.

2.5.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni u jitlob li tiżdied is-sorveljanza tas-suq b’rabta mal-prodotti importati, speċjalment fir-rigward ta’ prodotti finali li ġejjin minn pajjiżi terzi u li jidħlu fis-suq uniku. Huwa neċessarju li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar biex il-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti sikuri u konformi.

2.6.

Il-KESE jirrimarka li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-settur tat-tessuti jridu jqisu d-durabilità, ir-riċiklabbiltà, it-tiswija u l-użu mill-ġdid tal-prodotti, flimkien mar-restrizzjonijiet tal-użu kimiku, kif ukoll id-drittijiet soċjali, ferm lil hinn mill-aspetti “klassiċi” tal-inġinerija tad-disinn. Il-KESE jinnota l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn l-ispejjeż ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja li ser iseħħu għall-produtturi tat-tessuti u l-kompetittività tal-industrija.

2.7.

Ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ xogħol deċenti, ta’ ktajjen ta’ provvista ġusti u ta’ djalogu soċjali fuq livell settorjali. Il-Kumitat iqis li t-tisħiħ tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri u l-introduzzjoni ta’ paragrafi dwar is-sostenibbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huma ħtiġijiet immedjati. Id-drittijiet tal-bniedem u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ex ante u ex post għandhom jintużaw fil-proċess ta’ negozjar, bl-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, u għandhom ikopru perjodu kbir ta’ żmien fi ħdan il-kumpanija.

2.8.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-NGOs għandhom u jridu jkunu involuti u appoġġjati peress li jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali għall-ekosistema tat-tessuti. Abbażi tal-piż tal-plastik użat għall-produzzjoni tal-ħwejjeġ, il-KESE jikkunsidra li l-UE jenħtieġ li tikkunsidra li timponi taxxa fuq fibri sintetiċi verġni, sabiex jitnaqqas l-użu tal-plastik verġni. Barra minn hekk, il-proċessi tat-tiswija, tal-ġbir tal-iskart, tal-għażla u tar-riċiklaġġ jenħtieġ li jqisu l-ispazjar industrijali, il-miri reġjonali u ġeopolitiċi u l-iżvilupp rurali.

3.   Sostenibbiltà, ċirkolarità u transizzjoni ekoloġika

3.1.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li, ikunu xi jkunu l-iżviluppi futuri tal-perkors ta’ tranżizzjoni lejn ekosistema tat-tessuti aktar reżiljenti, sostenibbli u diġitali, l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti ser toffri benefiċċji akbar mir-riċiklaġġ. Il-Kumitat jinnota wkoll il-ħtieġa li jinħoloq suq reali tal-UE għall-materja prima sekondarja, u jqis li l-UE tista’ tkun fuq quddiem nett f’livell dinji fil-materjali tat-tessuti sekondarji jekk ir-rekwiżiti tar-riċiklaġġ jiġu rispettati. Jista’ jsir kontribut permezz tal-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (2).

3.2.

Il-KESE huwa favur l-obbligu taż-żieda tat-traċċabilità u t-trasparenza fir-rigward tan-numru ta’ prodotti li jarmu u jeqirdu l-kumpaniji kbar. Barra minn hekk, il-Kumitat jitlob lill-koleġiżlaturi biex jappoġġjaw l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tintroduċi projbizzjonijiet fuq il-qerda ta’ prodotti tat-tessuti mhux mibjugħa u jinkoraġġixxi, fejn meħtieġ, id-donazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti lil gruppi jew entitajiet żvantaġġati involuti f’azzjonijiet ta’ karità.

3.3.

It-tniġġis tal-mikroplastiks ikkawżat mid-disinn attwali tat-tessuti għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Il-KESE jappoġġja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li dan huwa prinċipalment ikkawżat mill-proċessi ta’ produzzjoni attwali, speċjalment il-fenomenu tal-“moda mgħaġġla”.

3.4.

Il-KESE jirrimarka li l-kumpaniji jeħtieġu appoġġ finanzjarju biex jadottaw teknoloġiji tas-separazzjoni awtomatizzati għal tessuti li ma jistgħux jerġgħu jintlibsu, kif ukoll l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ imtejba, inkluża l-possibbiltà li jitfasslu ċentri lokali u reġjonali ta’ riċiklaġġ u separazzjoni. Barra minn hekk, il-bini tal-infrastruttura għat-tiswija tal-ħwejjeġ, pereżempju l-imħażen u l-ħwienet, jeħtieġ li jirrappreżenta kwistjoni prinċipali għall-partijiet interessati fl-industrija. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifaħħar l-inizjattiva tal-EURATEX li toħloq ħames ReHubs (ċentri ta’ riċiklaġġ tat-tessuti) qrib id-distretti Ewropej tat-tessuti u tal-ħwejjeġ għall-ġbir, is-separazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ qabel u wara l-konsum tat-tessuti industrijali. Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ standards tekniċi, ambjentali, soċjali u tal-enerġija għall-prodotti riċiklati, u li dawn jenħtieġ li jiġu trasposti u applikati fuq il-livell tal-ISO u jiddaħħlu fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali.

3.5.

Il-KESE huwa mħasseb li l-iskart tat-tessuti jista’ jiġi esportat bħala prodott użat u jqis li hija meħtieġa azzjoni immedjata dwar dan fil-livell tal-UE. Iridu jiġu implimentati kontrolli kimiċi effettivi fil-ktajjen kollha tal-valur. Barra minn hekk, il-KESE jitlob tnedija tal-aħjar prattiki ta’ sostenibbiltà globali li jirrikjedu li x-xerrejja u s-sidien tad-ditti jiċċekkjaw u jesiġu l-konformità mal-istandards tekniċi CEN, CENELEC u ETSI.

3.6.

Il-Kumitat iqis li r-regoli soċjali u ambjentali speċifiċi għas-settur u armonizzati għall-akkwist pubbliku jridu jiġu żviluppati fl-Unjoni, u għandhom jiffaċilitaw kemm il-parteċipazzjoni transfruntiera kif ukoll il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, bil-għan finali li jkun hemm sistemi obbligatorji u armonizzati madwar l-UE. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kumitat tripartitiku Ewropew, li jinkludi lill-imsieħba soċjali u ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu mmonitorjati u appoġġjati l-kriterji soċjali u ambjentali fil-prattiki tax-xiri fis-settur tat-tessuti.

4.   Il-konsumaturi u d-diġitalizzazzjoni

4.1.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji valutazzjoni tal-impatt dwar titjib possibbli fit-tikkettar tat-tessuti prodotti/mibjugħa fis-suq intern. Irid ikun żgurat aċċess ġust għall-informazzjoni għall-konsumaturi dwar il-punteġġ ta’ tiswija, it-traċċabilità u l-informazzjoni fuq it-tikketta diġitali. Il-Kumitat iqis li l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti estensivi ta’ tikkettar rigward il-grad ta’ riċiklaġġ u l-impronta tal-prodotti tat-tessuti tista’ tirrappreżenta inċentiv importanti għall-konsumaturi biex jagħżlu prodotti tat-tessuti aktar sostenibbli.

4.2.

Il-KESE jemmen li kampanja ta’ informazzjoni fuq skala kbira fuq livell Ewropew tista’ tgħin liċ-ċittadini jagħmlu għażliet sostenibbli u infurmati, filwaqt li jenħtieġ li jiġu pprovduti inċentivi għall-konsumaturi sabiex jagħżlu l-kwalità pjuttost milli l-kwantità, pereżempju, permezz ta’ rati differenti tal-VAT għal prodotti sostenibbli/mhux sostenibbli fis-suq intern.

4.3.

Id-data trasparenti u komuni kondiviża rigward il-prodotti, il-komposti riċiklati u użati mill-ġdid, il-qerda ta’ merkanzija, il-kimiċi użati fil-proċess tal-produzzjoni, l-impatt soċjali u tax-xogħol tal-proċess tal-produzzjoni u l-impatt ambjentali li jikkonċerna kull kumpanija fil-katina ta’ provvista, huma importanti għall-monitoraġġ ta’ dawn il-ktajjen ta’ provvista. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ qafas tad-data miftuħa u l-iżgurar ta’ aċċess ħieles għall-konsumaturi, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali huma kruċjali biex titjieb is-sitwazzjoni ambjentali u soċjali tas-settur tat-tessuti. Il-KESE jqis li l-kompetenza diġitali tal-konsumaturi trid tiġi kkunsidrata u l-kontenut tad-data jenħtieġ li jimmira lejn il-partijiet interessati kollha fil-katina tal-provvista. Irid jinstab bilanċ tajjeb bejn il-ħtieġa għal data trasparenti u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali.

4.4.

Il-KESE jinsab imħasseb li inqas minn 1 % tat-tessuti madwar id-dinja jiġu riċiklati f’tessuti ġodda (3), u jqis li l-iskema futura tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur jenħtieġ li tipproduċi l-inċentivi t-tajba li jinkoraġġixxu r-riċiklaġġ tat-tessuti minn fibra għal fibra minflok proċessi ta’ ċirkolarità foloz pereżempju, l-użu tal-poliester minn fliexken tal-plastik riċiklati.

5.   L-edukazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

5.1.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li setgħu ngħataw aktar dettalji dwar l-aspetti soċjali fis-settur tat-tessuti u kienu jintlaqgħu aktar inizjattivi. It-tranżizzjoni ekoloġika trid timxi id f’id mat-tranżizzjoni ġusta, u l-Kumitat jinsab diżappuntat li ma tħabbrux aktar inizjattivi relatati mad-djalogu soċjali u man-negozjar kollettiv.

5.2.

Ridistribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud fi ħdan il-ktajjen tal-provvista u prodotti aktar responsabbli timplika l-konsolidazzjoni tan-negozjar kollettiv, it-tnaqqis ta’ forom atipiċi ta’ impjiegi u kontrolli adatti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Flimkien mat-trasformazzjoni tas-settur lejn produzzjoni sostenibbli u teknoloġiji diġitali, hemm ħtieġa kbira għal ħaddiema tas-sengħa. Meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, il-ħtiġijiet tas-settur qed jimxu lejn l-impjegati b’ħiliet medji u għolja.

5.3.

Is-settur qed jiffaċċja problema ta’ nies li qed jixjieħu u l-impjiegi fil-qasam tat-tessuti mhumiex meqjusa attraenti mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Ħafna mill-ħaddiema fis-settur huma nisa, u dan joħloq aktar pressjoni soċjali fuq l-ekosistema. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-aspetti rurali, lill-bdiewa b’ażjenda agrikola żgħira u r-rwol tagħhom fil-ktajjen ta’ provvista globali. Il-Kumitat jitlob kampanji speċifiċi fl-Istati Membri kollha li jippromovu opportunitajiet ta’ xogħol fis-settur tat-tessuti, kif ukoll programmi ta’ finanzjament għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti, flimkien mal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ apprendistat fl-Istati Membri kollha sabiex jinħolqu impjiegi fis-settur tat-tessuti ta’ kwalità għolja. L-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jinkludu l-kundizzjonalitajiet soċjali fl-istandards tal-prestazzjoni tagħhom bħala kundizzjoni kuntrattwali għall-finanzjament.

5.4.

Il-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (ix-xogħol prekarju, il-pagi taħt is-soll tal-faqar, in-nuqqas ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ix-xogħol furzat) għadu problema kontinwa, filwaqt li inizjattivi volontarji differenti (l-awditi soċjali, il-ftehimiet globali, il-kodiċi ta’ kondotta) wrew li huma insuffiċjenti. Il-KESE jirrakkomanda li jibnew u jiġu kkonsolidati l-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-ispezzjoni, il-koerenza u l-konverġenza tal-metodi u l-kriterji tal-ispezzjoni, it-taħriġ għall-ispetturi u l-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha. L-investimenti li jgħinu biex tiżdied il-kapaċità operattiva tal-imsieħba soċjali għall-monitoraġġ tal-ftehimiet globali, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-ħaddiema huma ta’ importanza kbira. L-użu intelliġenti tal-fondi ta’ koeżjoni huwa meħtieġ biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni fl-UE.

5.5.

Fil-kuntest tal-ktajjen ta’ valur ferm kumplessi u frammentati, it-triq lejn is-sostenibbiltà u l-ġustizzja soċjali teħtieġ approċċi komplementari. Ir-relazzjonijiet asimmetriċi tal-poter u l-prattiki inġusti ta’ kompetizzjoni wittew it-triq għall-isfruttament tal-ħaddiema u għall-mudell ta’ produzzjoni diżakkoppjat mil-limiti ambjentali. Il-KESE jqis li huwa meħtieġ mekkaniżmu tal-ilmenti fil-livell Ewropew u f’kull Stat Membru flimkien mal-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adatta tal-istrateġija, u biex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, tal-ħaddiema u l-kundizzjonalitajiet ambjentali, sabiex jiġi evitat l-isfruttament umiljanti tal-ħaddiema.

5.6.

Il-KESE japprezza t-tnedija reċenti tal-proposta għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (4), iqis li hija meħtieġa diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji kollha tal-UE b’appoġġ speċifiku għall-konformità tal-SMEs, u jitlob miżuri stretti li jipprojbixxu relazzjonijiet ekonomiċi ma’ entitajiet li jużaw it-tħaddim tat-tfal jew li jonqsu milli jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, kif speċifikat fil-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota r-restrizzjonijiet eżistenti li hemm f’ċerti pajjiżi fir-rigward tal-attivitajiet tat-trade unions, u jqis li dawn wasslu għal inċidenti industrijali, għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox u inumani, pagi ta’ sussistenza, assenza ta’ tagħmir protettiv bażiku, eċċ.

5.7.

Il-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għall-ħaddiema li jiffurmaw jew jissieħbu fi trade union u l-involviment f’negozjar kollettiv jenħtieġ li ma jirrappreżentawx ostakli għall-ħaddiema tat-tessuti. Il-fondi tal-UE li ġew investiti fis-settur tat-tessuti fil-livell tal-UE għandhom jinkludu kriterji soċjali u ambjentali għall-finanzjament tal-proġetti mdaħħla fit-tabella tal-evalwazzjoni. Minħabba l-ispeċifiċità tas-settur tat-tessuti u sabiex jitjiebu s-sigurtà soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-pagi, il-KESE jitlob inizjattiva speċjali tal-UE strettament iddedikata għall-industrija tat-tessuti, u li jkunu involuti fiha l-imsieħba soċjali, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.

6.   Il-finanzjament u l-investimenti

6.1.

Il-Kumitat jemmen li l-konsolidazzjoni tal-kompetittività u t-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tas-settur tat-tessuti Ewropew jiddependu mill-politika tal-prodotti integrata u interrelatata li hija akkumpanjata minn regolamentazzjoni aktar b’saħħitha, strumenti u inċentivi tas-suq, standards ġodda u informazzjoni adatta għall-konsumaturi, il-manifatturi u partijiet interessati oħra. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri jista’ jnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet iqis bis-sħiħ l-impronta ambjentali.

6.2.

It-tranżizzjoni lejn mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda tirrikjedi politiki effettivi li jittrattaw il-materjali u d-disinn, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, l-iżvilupp tas-suq, l-użu u l-użu mill-ġdid, il-ġbir u r-riċiklaġġ, u trid tkun akkumpanjata minn opportunitajiet ta’ finanzjament u inċentivi akbar għall-produtturi lokali, sabiex ibiddlu l-proċessi ta’ produzzjoni, jagħmlu riċerka fuq teknoloġiji ġodda u jimplimentawhom, jadottaw politiki ta’ ġestjoni tal-iskart sostenibbli u jagħmlu użu kemm mill-ammont kbir ta’ data disponibbli, kif ukoll mill-promozzjoni tal-kreattività kulturali. Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol tas-setturi kreattivi tat-tessuti fil-ġenerazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi li għandhom impatt pożittiv fuq setturi oħra u li jgħinu sabiex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea.

6.3.

L-impenji klimatiċi jridu jiġu applikati fil-livell tal-katina ta’ provvista, peress li d-ditti mhumiex is-sid tal-fabbriki li fihom qed isiru l-prodotti. Jenħtieġ li jingħataw ukoll inċentivi lil kumpaniji li huma newtrali għall-klima u li jużaw enerġija 100 % rinnovabbli. L-użu sħiħ tal-fondi ddedikati/apposta taħt in-NextGenerationEU jista’ jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ investimenti strateġiċi, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ prosperità u impjieg, speċjalment għall-SMEs.

6.4.

L-industrija teħtieġ qafas Ewropew komuni u appoġġ finanzjarju biex tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja, durabbli u riċiklabbli. Dan jista’ jsir permezz ta’ investiment qawwi fir-riċerka u l-iżvilupp u programmi Ewropej fuq skala kbira li jiffinanzjaw u jappoġġjaw il-kollaborazzjoni bejn kumpaniji kbar u l-SMEs, bl-involviment dirett tal-imsieħba soċjali, id-dinja akkademika u partijiet interessati oħra.

6.5.

L-introduzzjoni tal-iskema ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur trid tkun akkumpanjata mill-ħolqien ta’ punti ta’ ġbir suffiċjenti fir-reġjuni kollha tal-Istati Membri kollha, li hemm disponibbli anke fiż-żoni rurali. Il-KESE jitlob miżuri speċifiċi ddedikati għall-SMEs biex tiżdied il-kapaċità li jipprovdu t-traċċabbiltà u t-trasparenza fil-livell tal-katina tal-provvista u biex tiġi żgurata konnessjoni kif suppost mal-manifatturi, b’attenzjoni partikolari għall-intrapriżi mikro u żgħar.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Strateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari.

(2)  Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.

(3)  Kummissjoni Ewropea – Strateġija għat-tessuti.

(4)  Proposta għal Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u l-anness.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji għas-sigurtà u d-difiża”

(COM (2022) 61 final)

(2022/C 443/16)

Relatur:

Maurizio MENSI

Korelatur:

Jan PIE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

24.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

165/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi tal-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża, li huwa partikolarment f’waqtu minħabba l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jiġifieri t-titjib tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tal-UE f’teknoloġiji kritiċi u ktajjen tal-valur għas-sigurtà u d-difiża.

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni murija fl-objettiv li jiġi żviluppat approċċ komprensiv li jkopri l-linja li tiddividi l-qasam ċivili minn dak militari u jgħaqqad il-livelli tal-UE u dawk nazzjonali. Dan l-isforz huwa kumpless daqs kemm huwa ta’ sfida u mhux se jseħħ mil-lum għal għada, iżda għandu jsir b’mod rapidu ħafna. L-invażjoni tal-Ukrajna hija twissija biex tittieħed azzjoni aktar malajr mis-soltu.

1.3.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jiżguraw li r-reazzjonijiet immedjati tagħhom fir-rigward tal-aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna huma konformi mal-kontenut u l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali, li huwa sforz fit-tul. L-investimenti nazzjonali għad-difiża fuq medda qasira ta’ żmien iridu jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew biex tiġi evitata estensjoni tal-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni; l-akkwisti disponibbli minn pajjiżi terzi m’għandhomx joħonqu proġetti ta’ żvilupp Ewropej li għadhom għaddejjin jew li huma ppjanati.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi jkun mgħammar b’governanza ċara, riżorsi sostanzjali u pożizzjoni istituzzjonali b’saħħitha. Il-KESE jilqa’ l-koordinazzjoni mill-qrib proposta mal-Istati Membri u jappella għal forum addizzjonali għal skambji mal-industrija, li għandha l-aħjar għarfien dwar it-teknoloġiji, il-ktajjen tal-provvista u d-dipendenzi kritiċi.

1.5.

Il-KESE jemmen li għandu jiġi żgurat l-użu tar-riżultati tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi fi pjani direzzjonali u t-traduzzjoni tagħhom f’inizjattivi ewlenin. It-tranżizzjoni bejn il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tat-teknoloġija u dak industrijali tista’ tiġi ġestita b’suċċess biss jekk ikunu ċari s-sjieda ta’ inizjattiva u r-responsabbiltajiet. Il-koerenza u s-sinerġiji huma meħtieġa mhux biss orizzontalment, bejn il-programmi tal-RTDI (riċerka, żvilupp teknoloġiku u innovazzjoni) ċivili u tad-difiża, iżda wkoll vertikalment, bejn il-programmi tal-RTDI u dawk ta’ skjerament.

1.6.

Il-KESE jemmen li s-semplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-programmi u l-istrumenti tal-UE b’appoġġ għall-RTDI huma fundamentali, għall-benefiċċju tal-benefiċjarji nfushom.

1.7.

Il-KESE jipproponi l-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ servizz online għall-SMEs u n-negozji ġodda, “rokna tal-SMEs tal-UE” online li toffri l-possibbiltà li tiddaħħal data definita minn qabel u li tirċievi, min-naħa tagħha, informazzjoni mfassla apposta dwar il-programmi tal-UE l-aktar adatti li jistgħu jipprovdu appoġġ.

2.   Sfond

2.1.

Il-pjan direzzjonali dwar teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża jwieġeb għat-talba tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Frar 2021, jiġifieri li tiġi delinjata rotta lejn it-titjib tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, u t-tnaqqis tad-dipendenza strateġika tal-UE fil-qasam tat-teknoloġiji kritiċi u l-ktajjen tal-valur għas-sigurtà u d-difiża.

2.2.

L-aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-ġdida tal-2020 (“Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” f’Mejju 2021) ikkonferma li t-tmexxija teknoloġika tibqa’ mutur ewlieni tal-kompetittività u l-innovazzjoni tal-UE, b’mod partikolari għal teknoloġiji kritiċi. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni ta’ Frar 2021 dwar is-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u tal-ispazju rrikonoxxa l-importanza dejjem tikber ta’ teknoloġiji fixkiela u abilitanti li joriġinaw fis-settur ċivili għas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa, u l-ħtieġa li jiġi promoss l-arrikkiment reċiproku bejn it-teknoloġiji ċivili u tad-difiża.

2.3.

U għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jitfassal il-pjan direzzjonali, dokument strateġiku li għandu l-objettiv li jiġi żviluppat approċċ komprensiv li jkopri l-linja li tiddividi l-qasam ċivili minn dak militari u jgħaqqad il-programmi tal-UE u dawk nazzjonali. L-objettiv tal-pjan direzzjonali huwa li jsaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-Ewropa f’setturi strateġiċi ewlenin billi jtejjeb il-koerenza tal-politiki u l-istrumenti rilevanti kollha tal-UE, minn Orizzont Ewropa sal-Fond Ewropew għad-Difiża, mill-Att dwar iċ-Ċipep (1) sal-Att dwar id-Data (2), mir-Regolament dwar il-Kontroll tal-Investiment Dirett Barrani (3) sar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sussidji Barranin (4), u mid-Direttiva NIS 2 proposta (5) sad-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (6). Id-dokument jiddeskrivi qafas ta’ politika kunċettwali wiesa’ li jolqot diversi suġġetti interkonnessi, bl-objettiv li jikkontribwixxi għall-“boxxla strateġika” tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża (7). Dan inħareġ flimkien ma’ Komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea, li titlob suq Ewropew tad-difiża aktar integrat u kompetittiv f’kuntest ġeopolitiku u teknoloġiku li qed jevolvi b’mod kostanti, b’mod partikolari billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-UE, jitnaqqsu l-ispejjeż u tittejjeb l-effettività operazzjonali.

2.4.

Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża jiddeskrivi rotta lejn it-titjib tal-kompetittività u r-reżiljenza tas-setturi tas-sigurtà u d-difiża tal-UE abbażi tal-elementi li ġejjin: l-immappjar ta’ teknoloġiji kritiċi u dipendenzi strateġiċi, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta’ teknoloġiji kritiċi u ktajjen tal-provvista, distakki u dipendenzi fit-teknoloġija (permezz tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi li qed jitwaqqaf bħalissa); l-inkoraġġiment tar-riċerka u l-innovazzjoni b’użu doppju fil-livell tal-UE; l-istedina għall-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ koordinat fl-UE kollha għal teknoloġiji kritiċi fil-kuntest tal-boxxla strateġika; l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija fis-sigurtà u d-difiża permezz ta’ firxa ta’ għodod ġodda; u l-ħolqien, flimkien mal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, ta’ Skema ta’ Innovazzjoni tad-Difiża tal-UE biex tgħaqqad l-isforzi rispettivi tagħhom taħt “umbrella” waħda.

2.5.

Aspett importanti tal-pjan direzzjonali huwa l-għan li jitnaqqsu d-dipendenzi identifikati fil-qasam tat-teknoloġiji kritiċi u l-ktajjen tal-valur. B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni tipproponi li tintegra l-kunsiderazzjonijiet tad-difiża, fejn adatt, f’inizjattivi industrijali u teknoloġiċi ewlenin tal-UE (eż. alleanzi u standards), tirrapporta dwar il-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju fuq il-ktajjen tal-provvista tal-infrastruttura kritika (b’mod partikolari fis-settur diġitali), u ssaħħaħ l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani billi tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu mekkaniżmu nazzjonali ta’ skrinjar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-pjan direzzjonali jirrifletti b’mod preċiż ix-xenarju teknoloġiku li qed jevolvi, fejn it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża huma dejjem aktar xprunati mill-innovazzjoni mis-setturi kummerċjali. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa approċċ komprensiv li jkopri l-linja li tiddividi l-qasam ċivili minn dak militari, u jgħaqqad il-livelli tal-UE u dawk nazzjonali. Madankollu, dan se jkun kompitu diffiċli u kumpless, peress li jimplika rikonfigurazzjoni ġenerali tal-approċċ attwali. Dan mhux se jseħħ mil-lum għal għada, iżda għandu jsir b’mod rapidu ħafna. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-invażjoni Russa fl-Ukrajna għandha titqies bħala twissija biex tittieħed azzjoni aktar malajr mis-soltu.

3.2.

Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li l-pjan direzzjonali huwa pjan fit-tul u għandha tingħata attenzjoni biex ma tinħoloqx skonnessjoni mad-deċiżjonijiet attwali tal-Istati Membri dwar l-akkwist li għandhom l-għan li jeliminaw l-aktar distakki urġenti fil-kapaċitajiet malajr kemm jista’ jkun. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-investimenti nazzjonali fuq terminu qasir għandhom jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew biex tiġi evitata estensjoni tal-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni, u biex jiġi żgurat li l-akkwisti tradizzjonali minn pajjiżi terzi ma jdgħajfux l-EDTIB billi joħonqu proġetti Ewropej ta’ żvilupp li għaddejjin jew li huma ppjanati.

3.3.

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li sabiex jitrawmu s-sinerġiji, huwa importanti li wieħed ma jħarisx biss lejn it-teknoloġiji u l-ktajjen tal-valur individwali, iżda wkoll lejn l-ekosistema li fiha huma inkorporati dawn il-ktajjen tal-valur. Tabilħaqq, it-trasferimenti tat-teknoloġija x’aktarx li jseħħu (jew jibdew) bejn kumpaniji fi ħdan ekosistema bħal din.

3.4.

L-attenzjoni mogħtija fil-pjan direzzjonali għal teknoloġiji b’użu doppju u sinerġiji bejn is-sigurtà, id-difiża u l-ispazju hija importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE f’dawn l-oqsma. Fl-istess ħin, l-użu doppju u s-sinerġiji la huma għanijiet fihom infushom u lanqas huma suffiċjenti. L-objettiv ġenerali tal-Pjan Direzzjonali huwa li l-UE ssir reżiljenti u kapaċi tiddefendi ruħha wkoll kontra attakki fuq skala kbira (ibridi u militari). Dan ifisser li hemm bżonn li jiżdied ukoll l-investiment fid-difiża u s-sigurtà u li fil-pjan direzzjonali jiġu inklużi teknoloġiji “puri” tad-difiża.

3.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel valutazzjoni tal-ispiża ekonomika u soċjali tad-dipendenzi kritiċi u n-nuqqas ta’ sovranità teknoloġika fid-difiża.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi se jkun il-qofol tal-approċċ propost. Dan se jidentifika, jimmonitorja u jivvaluta t-teknoloġiji kritiċi, l-applikazzjoni potenzjali tagħhom u l-ktajjen tal-valur u tal-provvista relatati, u se jimmonitorja d-distakki teknoloġiċi u l-kawżi ewlenin tad-dipendenzi u l-vulnerabbiltajiet strateġiċi. Biex iwettaq dawn il-kompiti, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-osservatorju jiġi mgħammar b’riżorsi sostanzjali, pożizzjoni istituzzjonali b’saħħitha u governanza ċara.

4.2.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li wieħed jifhem kif se jiġi stabbilit l-osservatorju u kif dan se jopera fil-prattika. Biex jissodisfa l-mandat tiegħu, l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi jeħtieġ li jistabbilixxi objettivi, regoli u kriterji għall-valutazzjoni tat-teknoloġiji. Biex jiġu identifikati t-teknoloġiji kritiċi, dan se jkollu jistabbilixxi rabtiet mill-qrib mal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet u l-proċessi tal-ippjanar, u sabiex jitqabblu l-kapaċitajiet mat-teknoloġiji, se jkollu jiżviluppa tassonomija adatta li idealment tkun applikabbli għad-difiża, is-sigurtà u l-ispazju. Hawnhekk, huwa essenzjali li l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi jaħdem mill-qrib mal-EDA u oħrajn. Fl-aħħar nett, jekk irid jidentifika dipendenzi kritiċi, l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi se jkollu jiġbor għarfien u fehim robusti ħafna tal-ktajjen tal-valur u tal-provvista sottostanti.

4.3.

Il-pjan hu li jiġi ppreżentat rapport klassifikat lill-Istati Membri darba kull sentejn. Il-KESE huwa dubjuż dwar dan l-intervall twil bejn ir-rapporti, minħabba l-ambjent teknoloġiku u industrijali li qed jevolvi malajr. L-informazzjoni miġbura mill-osservatorju se tkun sensittiva ħafna, peress li l-immappjar tad-dipendenzi kritiċi huwa ekwivalenti għall-vulnerabbiltajiet tar-rappurtar; għalhekk il-ħtieġa li l-informazzjoni tiġi kklassifikata u ġestita sew u li jiġi żgurat li l-pożizzjonijiet li tieħu jiġu adattati malajr għall-ambjent strateġiku li qed jinbidel.

4.4.

Il-Pjan Direzzjonali jipprevedi wkoll l-istabbiliment ta’ grupp ta’ esperti mal-Istati Membri fil-qafas tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi, sabiex tiġi skambjata informazzjoni f’ambjent klassifikat. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa wkoll li tiġi stabbilita rabta b’saħħitha u permanenti mal-industriji Ewropej tad-difiża, is-sigurtà u dawk ajruspazjali, li għandhom l-aħjar għarfien tal-ktajjen tal-provvista u d-dipendenzi kritiċi. Għandhom jinstabu mekkaniżmi adegwati li jippermettu skambju affidabbli ta’ informazzjoni kunfidenzjali mal-industrija.

4.5.

Il-KESE jemmen li l-użu tar-riżultati tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi fi pjani direzzjonali u t-traduzzjoni tagħhom f’inizjattivi ewlenin huwa kruċjali wkoll. It-tranżizzjonijiet bejn il-fażijiet differenti taċ-ċiklu teknoloġiku u industrijali jistgħu jiġu ġestiti b’suċċess biss jekk is-sjieda u r-responsabbiltajiet ikunu ċari f’kull stadju. Il-koerenza u s-sinerġiji huma għalhekk meħtieġa mhux biss orizzontalment, bejn il-programmi RTDI ċivili u tad-difiża, iżda wkoll vertikalment, bejn il-programmi tal-RTDI u dawk ta’ skjerament.

4.6.

Biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, il-Kummissjoni se tipproponi azzjoni regolatorja dwar ir-reżiljenza ċibernetika u titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jiżviluppaw standards armonizzati taċ-ċibersigurtà u tal-privatezza. Flimkien mal-Istati Membri, se ssaħħaħ ukoll it-tħejjija għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-kapaċitajiet ċibernetiċi għandhom jiġu żviluppati mhux biss f’sens difensiv iżda wkoll f’sens offensiv.

4.7.

Il-KESE jemmen li l-programmi u l-istrumenti tal-UE b’appoġġ għall-RTDI, deskritti fil-Kaxxa 2 (fil-paġni 7 u 8) tal-Pjan Direzzjonali, huma kumplessi u kkoordinati ħażin; għalhekk, is-semplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni huma meħtieġa għall-benefiċċju tal-benefiċjarji nfushom. Qed jiġi propost punt uniku ta’ servizz online għall-SMEs u għan-negozji ġodda. Din ir-“rokna tal-SMEs tal-UE” online, li tibda b’fażi pilota għall-SMEs tad-difiża u s-sigurtà, tippermetti li d-data definita tiddaħħal minn qabel u tinkiseb valutazzjoni inizjali tal-iżjed programmi adatti li jistgħu jipprovdu appoġġ pubbliku fil-livell tal-UE.

4.8.

Il-pjan direzzjonali ġustament jindika li l-UE għandha għodod ta’ politika, lil hinn mill-programmi u l-istrumenti RTDI tagħha, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi fis-setturi tas-sigurtà u d-difiża. Il-KESE jemmen li dawn l-għodod huma importanti biex jitnaqqas id-distakk bejn l-iżvilupp u l-industrijalizzazzjoni, jiġifieri l-adozzjoni mis-suq tar-riżultati tal-RTDI.

4.9.

Problema ewlenija hija wkoll l-iżgurar li l-Istati Membri tal-UE jixtru mingħand fornituri Ewropej ladarba t-teknoloġija kritika tkun ġiet żviluppata u ffinanzjata parzjalment mill-appoġġ pubbliku tal-UE. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ politika tax-xiri konsistenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, il-KESE jesprimi tħassib li s-swieq Ewropej, minħabba l-frammentazzjoni u d-daqs żgħir ġenerali tagħhom fuq skala globali, qed jirriskjaw li la jkunu jistgħu jilħqu l-ekonomija ta’ skala meħtieġa biex inaqqsu l-ispejjeż u lanqas ma jkunu jistgħu jiġġeneraw biżżejjed attività biex jiżguraw l-eżistenza ta’ negozji ġodda li għadhom jibdew. B’mod ġenerali, is-suq Ewropew ikkombinat huwa potenzjalment kbir ħafna, iżda l-infiq mhuwiex ikkoordinat (8).

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa, COM(2022) 45 final, 8 ta’ Frar 2022.

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (L-Att dwar id-Data), COM(2022) 68 final, 23 ta’ Frar 2022.

(3)  Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(4)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, COM(2021) 223 final, 5 ta’ Mejju 2021.

(5)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148, 16 ta’ Diċembru 2020, COM(2020) 823 final.

(6)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, COM(2020) 829 final, 16 ta’ Diċembru 2020.

(7)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell, il-21 ta’ Marzu 2022.

(8)  L-Istati Uniti jonfqu USD 750 biljun fis-sena fuq id-difiża; iċ-Ċina tonfoq bejn USD 200 u USD 300 biljun (is-sorsi jvarjaw ħafna), filwaqt li n-NATO (limitata għall-pajjiżi Ewropej, mingħajr ir-Renju Unit u t-Turkija, iżda tinkludi lin-Norveġja) tonfoq USD 250,7 biljun.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012”

(COM(2022) 134 final — 2022/0089 (COD))

(2022/C 443/17)

Relatur:

Decebal-Ștefăniță PADURE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew 7.4.2022

Kunsill, 12/04/2022

Bażi legali

Artikolu 192(1) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

30.6.2022

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

203/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal Regolament ġdid li jsaħħaħ is-sistema attwali għall-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-prodotti agrikoli, għax-xorb spirituż u għall-inbejjed. Il-kontribut tal-IĠ għall-iżvilupp taż-żoni rurali u l-preservazzjoni tal-komunità, il-pajsaġġ u l-wirt kulturali tagħhom, huwa essenzjali u jistħoqqlu l-aqwa u l-aktar sistema effiċjenti possibbli. Din il-ħidma marbuta ma’ reġjuni speċifiċi, l-għarfien espert tagħhom (know-how), it-territorju u l-kultura tagħhom eżistew ferm qabel ma nħolqot bażi legali tal-UE għaliha. Huwa essenzjali li din is-sistema tiġi ppreservata u li tiġi żgurata l-ogħla protezzjoni possibbli għaliha.

1.2.

Il-KESE jixtieq jissottolinja li l-IĠ huma diġà sistema li taħdem tajjeb u li diġà għaddiet minn reviżjoni reċenti (fl-2021), bl-adozzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (1). Il-KESE jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iqisu dan u biex jevalwaw u jfasslu bir-reqqa kwalunkwe modifika proposta mir-reviżjoni l-ġdida, sabiex jiżguraw li din ġenwinament issaħħaħ is-sistema.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-IĠ jikkostitwixxu sistema partikolari ħafna li hija ħafna aktar minn dritt ta’ proprjetà intellettwali u għalhekk, ma għandhomx jiġu mmaniġjati bħala trademark. Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jevalwaw bir-reqqa l-ħtieġa u l-valur miżjud tad-delega ta’ kompiti ta’ ġestjoni tal-IĠ mid-DĠ AGRI, lil aġenzija esterna, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni. Huwa importanti wkoll li jiġi evalwat jekk l-aġenzija magħżula għandhiex l-għarfien espert u l-għarfien meħtieġ biex tmexxi l-kompiti delegati b’mod profiċjenti. Id-DĠ AGRI għandu jibqa’ l-attur ewlieni responsabbli għall-ġestjoni tal-IĠ, filwaqt li d-DĠ GROW għandu jiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ta’ din is-sistema fil-livell internazzjonali permezz ta’ ftehimiet kummerċjali u sensibilizzazzjoni.

1.4.

Il-KESE jqis li kwalunkwe delega ta’ kompetenzi għandha tkun strettament dettaljata fil-korp ewlieni tar-Regolament u għandha tkun limitata għal kompiti amministrattivi. Kwalunkwe deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, l-emendi, it-tħassir jew l-oppożizzjoni fir-rigward ta’ IĠ, għandha tibqa’ strettament f’idejn id-DĠ AGRI. Barra minn hekk, il-proposta għandha tiċċara li r-reġistrazzjoni tal-IĠ u kwalunkwe proċedura oħra relatata mal-ġestjoni tal-IĠ għandhom jibqgħu strettament mingħajr ħlas, irrispettivament minn liema organizzazzjoni tkun qed tmexxi l-proċess.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-possibbiltà li jiġu inklużi impenji ta’ sostenibbiltà fil-qasam tal-IĠ. Madankollu, iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi sabiex jikkonsultaw lill-produtturi tal-IĠ biex jevalwaw jekk għandomx jinkludu dawk l-impenji ta’ sostenibbiltà direttament fl-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠ jew b’mod ad hoc.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-kriterji għar-rikonoxximent tal-impenji ta’ sostenibbiltà għandhom jiġu inklużi direttament fir-Regolament u mhux permezz ta’ atti delegati li għandhom jiġu adottati fi stadju aktar tard, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-gruppi ta’ produtturi li jkunu lesti li jadottaw tali impenji.

1.7.

Huwa importanti ferm li l-gruppi tal-produtturi jissaħħu u jingħataw is-setgħa kemm jista’ jkun. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ s-suġġeriment li dawn il-gruppi jingħataw setgħat fir-rigward tal-użu tal-IĠ bħala komponenti kif ukoll fir-rigward tal-protezzjoni tagħhom fuq l-Internet. Madankollu, il-gruppi ta’ produtturi għandhom jiġu pprovduti wkoll b’mezzi addizzjonali lil hinn mill-baġit tal-politika agrikola komuni biex jeżerċitaw dawk is-setgħat.

1.8.

Rigward il-ġestjoni interna u l-kompożizzjoni tal-gruppi tal-produtturi, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi sabiex jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-IĠ biex jevalwaw dan l-aspett tal-proposta. Jistedinhom ukoll sabiex jiżguraw li l-produtturi żgħar tal-IĠ ma jkunux żvantaġġati meta mqabbla mal-produtturi l-kbar fi ħdan dawk il-gruppi.

1.9.

Il-protezzjoni tal-IĠ b’mod ġenerali hija tal-akbar importanza. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni hija essenzjali, u l-KESE jilqa’ kwalunkwe fattur li jista’ jsaħħaħ din il-protezzjoni. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li l-inklużjoni ta’ definizzjoni dettaljata ta’ evokazzjoni tista’ tkun kontroproduttiva, peress li ma tkunx adattata għal din il-prattika, li tevolvi maż-żmien. Il-KESE jirrakkomanda li titħassar id-definizzjoni u minflokha tittieħed bħala bażi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

1.10.

Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi li jixtru prodotti IĠ ikunu infurmati bis-sħiħ, il-KESE jirrakkomanda li jintuża kodiċi QR li jipprovdi link għall-informazzjoni relatata mal-IĠ fir-reġistru eAmbrosia, kif ukoll is-sit web tal-produttur u ċ-ċertifikat tal-produttur tiegħu.

1.11.

L-għarfien tal-konsumatur huwa essenzjali għas-suċċess tal-IĠ. Il-KESE jappella sabiex l-IĠ jiġu appoġġjati bis-sħiħ mill-politika tal-UE dwar il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u biex il-produtturi tal-IĠ jibbenefikaw minn appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-għarfien espert ipprovdut mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-għoti ta’ punti addizzjonali fil-proċessi ta’ akkwist għal prodotti ċċertifikati bħala IĠ għandu jiġi promoss mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li l-proposta tistabbilixxi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għas-sistema tal-IĠ, billi jixxandru messaġġi ta’ interess pubbliku fuq l-istazzjonijiet televiżivi pubbliċi nazzjonali u tal-UE.

1.12.

Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-koleġiżlaturi biex fir-Regolament jinkludu miżuri li jippromovu s-sistema tal-IĠ fost il-produtturi u jipprovdulhom l-għarfien espert u l-appoġġ amministrattiv li jeħtieġu biex jirreġistraw il-prodotti tagħhom, flimkien ma’ kwalunkwe tip ieħor ta’ assistenza meħtieġa, speċjalment fir-reġjuni sottorappreżentati fl-iskema tal-IĠ.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) huma għodda li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ prodotti li l-kwalitajiet, il-fama u l-proprjetajiet intrinsiċi oħra tagħhom huma marbuta ma’ fatturi umani u naturali assoċjati ma’ reġjun speċifiku. L-IĠ ġew rikonoxxuti uffiċjalment u stabbiliti fil-liġi tal-UE sa mill-1970 għall-inbid, u sa mill-1992 għall prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

2.2.

Din il-politika tal-UE kienet tassew ta’ suċċess, mhux biss minħabba li żiedet id-dħul tal-produtturi billi ħolqot valur miżjud għall-prodotti tagħhom (fuq medja, il-prezz ta’ prodott tal-IĠ huwa 2,11-il darba tal-prezz ta’ prodott komparabbli mhux tal-IĠ), iżda wkoll billi tat spinta lill-iżvilupp tar-reġjuni u l-komunitajiet rurali li huma marbuta magħhom. L-IĠ kellhom ukoll rwol importanti fil-preservazzjoni ta’ ċerti tekniki agrikoli speċifiċi, varjetajiet ta’ pjanti u razez antiki tal-annimali. L-IĠ illum jirrappreżentaw 7 % tal-bejgħ totali agroalimentari tal-UE u 15,5 % tal-esportazzjonijiet totali tagħha (3).

2.3.

L-IĠ huma min-natura tagħhom marbuta mill-qrib ma’ reġjuni speċifiċi u l-komunitajiet rurali tagħhom. Permezz ta’ din ir-rabta privileġġata u l-valur miżjud ekonomiku tagħhom, l-IĠ mhux biss jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ dawk ir-reġjuni u l-komunitajiet, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-preservazzjoni u saħansitra jsaħħu l-wirt kulturali u l-identità tagħhom.

2.4.

Ir-rabta li ma tistax tinħall bejn l-indikazzjoni ġeografika u r-reġjun tagħha tirrappreżenta wkoll għodda tajba ħafna għall-prevenzjoni tad-delokalizzazzjoni u għall-preservazzjoni tal-impjiegi fiż-żoni rurali Ewropej.

2.5.

Minħabba l-forma ferm partikolari ta’ mmaniġjar tagħhom, jiġifieri permezz ta’ gruppi ta’ produtturi marbuta ma’ reġjuni speċifiċi, u li toffri lill-produtturi primarji ċertu grad ta’ kontroll fuq id-distribuzzjoni tagħhom, l-IĠ urew ukoll li joħolqu valur upstream li huwa ta’ benefiċċju għall-produtturi primarji.

2.6.

Din ir-rabta ma’ reġjun partikolari, man-nies u mal-art tiegħu, tinsab fil-qalba tal-IĠ u tiddistingwihom minn marki li huma marbuta mal-kumpaniji.

2.7.

Fil-kuntest tat-twaqqif tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida, li ġiet adottata fl-2021, u b’mod aktar speċifiku fir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni għal swieq agrikoli (OKS), saru għadd ta’ emendi lis-sistema tal-IĠ sabiex jittaffa l-piż amministrattiv għall-produtturi u jissaħħaħ il-kontroll tagħhom fuq l-IĠ li jipproduċu, filwaqt li jinżamm il-livell għoli ta’ kwalità assoċjat ma’ dawn il-prodotti. Dawn il-modifiki ntlaqgħu tajjeb ħafna mis-settur.

2.8.

Fil-kuntest tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi b’reviżjoni ġdida tas-sistema tal-IĠ, sabiex din tkompli tittejjeb u jittejjeb ukoll il-kontribut tagħha għas-sostenibbiltà. Fil-31 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta għal Regolament dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, u l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/787 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (4). L-għanijiet imħabbra tal-proposta huma li tkompli tiġi ssemplifikata s-sistema, jittejbu l-protezzjoni u l-kontrolli tal-IĠ, tingħata s-setgħa lill-gruppi tal-produtturi u li jkun hemm integrazzjoni aħjar tas-sostenibbiltà.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-għanjiet tal-Kummissjoni u jemmen li hija identifikat b’mod preċiż l-elementi li għandhom jiġu modifikati sabiex tkompli tittejjeb din is-sistema li diġà qed taħdem tajjeb, bħal pereżempju: is-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ ċerti proċeduri, il-possibbiltà li jiġu inklużi impenji volontarji ta’ sostenibbiltà fil-produzzjoni tal-IĠ, l-għoti tas-setgħa lill-gruppi ta’ produtturi permezz ta’ drittijiet addizzjonali, it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-IĠ fuq l-Internet jew l-infurzar aħjar tal-kontrolli.

3.2.

Għalkemm din il-proposta tappoġġja għanijiet validi u identifikat b’mod preċiż l-elementi li jeħtieġu xi aġġustamenti sabiex jintlaħqu, il-KESE jesprimi xi tħassib dwar xi wħud mill-modifiki proposti għal dawn l-elementi.

3.3.

Il-KESE jixtieq ukoll jissottolinja li s-sistema tal-IĠ diġà qed topera tajjeb u diġà ġiet imtejba bir-reviżjoni tal-OKS fl-2021. Għalhekk huwa essenzjali li din ir-reviżjoni l-ġdida tkun imfassla bir-reqqa biex issaħħaħ is-sistema u r-reviżjoni reċenti. Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joqogħdu attenti sabiex jevitaw kwalunkwe azzjoni mgħaġġla li tista’ tirriżulta f’reviżjoni li tikkontradixxi l-għanjiet tagħha, u b’hekk iddgħajjef din il-politika ta’ suċċess.

3.4.

Biex jiġi żgurat li din ir-reviżjoni l-ġdida ssaħħaħ tassew is-sistema tal-IĠ, il-KESE jemmen li huwa tal-akbar importanza li, kemm jista’ jkun, il-produtturi tal-IĠ jiġu involuti fil-proċess u li jingħata widen lill-għarfien espert, kif ukoll il-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Is-semplifikazzjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-IĠ, li għandha l-għan li żżid l-attraenza ta’ din l-iskema għall-produtturi, m’għandhiex tirriżulta fit-telf tal-kredibbiltà tas-sistema għall-konsumaturi. Is-suċċess tal-IĠ inbena fuq l-immaġni ta’ kwalità u ta’ awtentiċità li huma jitrażmettu lill-konsumaturi. Jeħtiġilna noqogħdu attenti li dawn l-elementi ma jiġux kompromessi meta tiġi ssemplifikata l-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

4.2.

Il-proposta tgħaqqad il-proċeduri kollha għar-reġistrazzjoni, l-emendi, il-kanċellazzjoni u l-protezzjoni tal-IĠ għall-prodotti agrikoli, l-inbejjed u l-ispirti. Fir-rigward tal-kontrolli, hija tgħaqqad proċeduri għal prodotti agrikoli u għax-xorb spirituż, filwaqt li l-IĠ tal-inbid iżommu r-regoli speċifiċi tagħhom. Il-KESE jilqa’ din is-semplifikazzjoni tal-proċeduri, iżda jixtieq jissottolinja l-ħtieġa li din ma tmurx aktar lil hinn, sabiex jiġu ppreservati l-partikolaritajiet ta’ kull settur.

4.3.

Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni għall-possibbiltà ta’ għazla bejn il-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni jew sempliċiment “dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni” fit-tliet xhur wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ applikazzjoni ta’ prodott. Din id-“dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni”, li hija kumment/rimarka dwar l-applikazzjoni tal-prodott, iżda li ma topponix ir-reġistrazzjoni tiegħu, probabbilment ser ittaffi l-piż amministrattiv marbut mal-ġestjoni tal-oppożizzjonijiet.

4.4.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi huma tip uniku ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali differenti ferm mit-trademarks minħabba r-rabta intrinsika tagħhom ma’ reġjun speċifiku, mal-kultura, mal-komunitajiet rurali, mal-pajsaġġ u mal-istorja tal-prattiki agrikoli tiegħu. Meta jitqiesu dawn l-ispeċifiċitajiet, għandna dubju dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu trasferiti ċerti elementi tal-ġestjoni tal-IĠ lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jew lil kwalunkwe aġenzija oħra li m’għandhiex l-għarfien agrikolu tekniku u l-fehim profond tan-natura tal-IĠ li jippossjedi d-DĠ AGRI biss. F’dan ir-rigward, għandha tintwera l-ħtieġa għal kwalunkwe delega ta’ kompiti, kif ukoll il-kapaċità tal-aġenzija magħżula biex twettaq tali kompiti. Barra minn hekk, meta titqies l-importanza tar-rabta bejn l-IĠ u l-agrikoltura, kif ukoll is-sensittivitajiet politiċi li jistgħu jkunu relatati mal-ġestjoni tagħhom, il-KESE jqis li kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni, il-proċedura ta’ oppożizzjoni jew l-emendi tagħhom, għandha tibqa’ strettament kompetenza tad-DĠ AGRI.

4.5.

Il-mod li bih ġiet deskritta d-delega ta’ kompiti fil-proposta lill-EUIPO, mhuwiex ċar. Meta jitqiesu r-riskji assoċjati mad-delega ta’ kompiti għall-ġestjoni tal-IĠ lil korp mingħajr għarfien partikolari dwar l-agrikoltura, il-KESE jemmen li kull delega għandha tkun dettaljata b’mod preċiż u għandha wkoll tkun ċirkoskritta direttament fir-Regolament u mhux permezz ta’ atti delegati.

4.6.

Il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-EUIPO fir-rigward tal-ġestjoni tal-IĠ, kif stabbilit fil-proposta, ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex jiżgura l-ġestjoni tajba tal-IĠ. Biex jiġi żgurat il-monitoraġġ adegwat, għandhom jiġu stabbiliti kriterji ta’ evalwazzjoni preċiżi direttament fil-proposta. Il-KESE jqis ukoll li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu intitolati li jerġgħu jattribwixxu lid-DĠ AGRI l-kompiti delegati, fil-każ li l-monitoraġġ jiżvela nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-kompiti tal-EUIPO.

4.7.

Meta titqies l-importanza tal-IĠ fil-kummerċ tal-UE, id-DĠ GROW għandu jinkludi r-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-IĠ tal-UE fil-ftehimiet kummerċjali kollha u jippromovihom fil-livell internazzjonali.

4.8.

Il-proposta tintroduċi l-possibbiltà għal gruppi ta’ produtturi tal-IĠ sabiex jintegraw l-impenji ta’ sostenibbiltà fir-rekwiżiti tal-IĠ. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jissottolinja li, minħabba n-natura intrinsika tagħhom li għandha l-għeruq tagħha fil-prossimità tagħhom lejn reġjun, il-komunità rurali u l-pajsaġġ tiegħu, l-IĠ diġà jinkludu elementi ta’ sostenibbiltà. F’dan ir-rigward, il-KESE japprezza x-xewqa tal-proposta li żżomm volontarja l-inklużjoni ta’ impenji ta’ sostenibbiltà addizzjonali fir-rigward tal-IĠ. Madankollu, il-possibbiltà għall-produtturi li jagħmlu l-prodotti tagħhom aktar sostenibbli, ċertament tirrappreżenta opportunità tajba sabiex jissaħħaħ aktar il-kontribut tal-IĠ għas-sostenibbiltà.

4.9.

Is-sostenibbiltà hija magħmula minn tliet pilastri differenti: ambjentali, ekonomika u soċjali. Huwa essenzjali li jkun żgurat li l-impenji ta’ sostenibbiltà tal-IĠ jirriflettu kull wieħed minn dawn it-tliet pilastri, peress li l-IĠ jistgħu jikkontribwixxu mhux biss għas-sostenibbiltà ambjentali, iżda wkoll għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali, minħabba l-impjiegi u l-valur miżjud li joħolqu fiż-żoni rurali.

4.10.

Il-proposta tissuġġerixxi li l-integrazzjoni tal-impenji ta’ sostenibbiltà, għandha tkun direttament fl-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠ. Dan ifisser li l-inklużjoni jew il-modifika ta’ dawn l-impenji ta’ sostenibbiltà jkunu pjuttost ikkumplikati u jieħdu ħafna ħin, peress li tkun meħtieġa analiżi tal-proċedura tal-emenda tal-IĠ. Ikun ifisser ukoll li l-produtturi kollha ta’ tali IĠ jkollhom isegwu dawk l-impenji ta’ sostenibbiltà, u għalhekk ma jkunux jistgħu jiddifferenzjaw bejniethom fis-suq li huwa bbażat fuq is-sostenibbiltà tal-prodotti tagħhom. Ħafna drabi, id-differenzazzjoni fis-suq bejn il-produtturi tal-istess IĠ, issir problema għall-IĠ il-kbar. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jikkunsidra li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkonsultaw lill-produtturi tal-IĠ biex jivvalutaw jekk l-impenji dwar is-sostenibbiltà għandhomx ikunu direttament inkorporati fl-ispeċifikazzjoni tal-IĠ jew jekk ikunx aktar xieraq li jiġu inklużi fi skema ad hoc.

4.11.

Il-KESE jqis li l-possibbiltà li jiġu adottati atti delegati li jistabbilixxu kriterji għar-rikonoxximent tal-istandards eżistenti ta’ sostenibbiltà fi stadju aktar tard, tpoġġi lill-produtturi f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li tista’ tiskoraġġihom milli jadottaw impenji ta’ sostenibbiltà għall-IĠ.

4.12.

Ir-rwol tal-gruppi tal-produtturi tal-IĠ, li jridu jimmaniġġjaw u jiżviluppaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom stess sabiex jipproteġu l-prodott, l-immaġni u l-konsumaturi tagħhom, m’għandux jiddgħajjef, iżda għandu jissaħħaħ.

4.13.

L-involviment ta’ uffiċjali pubbliċi u ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-funzjonament intern tal-gruppi ta’ produtturi, kif stabbilit fil-proposta, jista’ jkompli jikkumplika l-ħidma ta’ dawk il-gruppi.

4.14.

Meta jitqies li s-sistema tal-IĠ għandha tibqa’ mezz ta’ protezzjoni għall-bdiewa, ir-rikonoxximent tal-gruppi ta’ produtturi, kif propost fl-Artikolu 33(2), għandu jkun ibbażat biss fuq il-proporzjon ta’ produtturi rappreżentati u mhux fuq il-proporzjon tal-kwantità tal-IĠ prodotta mill-gruppi ta’ produttur. Jekk dan ma jkunx il-każ, allura l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jinkludu fil-proposta għodod li jagħmluha possibbli li jiġu evitati każijiet ta’ minoranza ta’ produtturi kbar tal-IĠ milli jimblukkaw deċiżjonijiet li huma appoġġjati minn maġġoranza kbira ta’ produtturi ta’ dik l-istess IĠ.

4.15.

Ir-raġuni għall-ħolqien ta’ diviżjoni bejn żewġ tipi differenti ta’ gruppi ta’ produtturi ppreżentata fil-proposta mhijiex ċara għalkollox. Il-KESE jistaqsi jekk din tkomplix tikkumplika aktar il-ġestjoni tal-IĠ minflok ittejjibha.

4.16.

Il-Proposta tiddefinixxi “grupp ta’ produtturi” bħala “kwalunkwe assoċjazzjoni, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, magħmula prinċipalment minn produtturi jew proċessuri tal-istess prodott”. Din id-definizzjoni ma tinkludix produtturi ta’ materja prima. Meta jitqies ir-rwol essenzjali li għandhom il-produtturi tal-materja prima fid-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP), jista’ jkun xieraq li tintalab l-inklużjoni tagħhom fil-“gruppi ta’ produtturi rikonoxxuti” għad-DOP.

4.17.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi lill-gruppi ta’ produtturi ċertu kontroll fuq l-użu tal-indikazzjoni ġeografika użata bħala komponent fi prodott fl-isem tal-ikel u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ipproċessat relatat. Dan isaħħaħ il-kapaċità tal-gruppi ta’ produtturi li jikkontrollaw l-immaġni ta’ kwalità għolja tal-prodott tagħhom.

4.18.

Minħabba l-valur miżjud tagħhom, l-IĠ huma partikolarment suġġetti għal prattiki ta’ frodi. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ il-protezzjoni tagħhom u jitjiebu l-kontrolli. Il-proposta tinkludi għadd ta’ elementi interessanti rigward dan l-aspett bħal pereżempju: il-kollaborazzjoni mtejba u l-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni, l-istabbiliment ta’ ċertifikazzjoni għall-produtturi tal-IĠ, jew il-possibbiltà li jiġi revokat jew trasferit isem ta’ dominju. Xi proposti oħra aktar speċifiċi għall-protezzjoni tal-IĠ fuq l-Internet jidhru li huma nieqsa mill-ambizzjoni jew mill-għodod meħtieġa biex tiġi infurzata tali protezzjoni. Il-KESE jenfasizza li l-produtturi għandhom jingħataw id-dritt li jiddefendu l-prodotti tagħhom, iżda fl-ebda każ m’għandhom jitqiesu responsabbli biex jagħmlu dan. Ir-responsabbiltà tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li għandhom jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jiżguraw din il-protezzjoni.

4.19.

Il-KESE jqis li huwa importanti ferm li l-IĠ jkunu protetti kontra l-prattika frodulenti tal-evokazzjoni. Din il-protezzjoni diġà kienet inkluża fil-leġiżlazzjoni li tirregola s-sistema tal-IĠ. Il-proposta żżid definizzjoni ta’ evokazzjoni. Il-Kumitat jemmen li l-għoti ta’ definizzjoni preċiża ħafna ta’ evokazzjoni, għandha r-riskju li ddgħajjef il-protezzjoni kontra tali prattiki, peress li dawn jevolvu maż-żmien. Il-KESE jirrakkomanda li titħassar id-definizzjoni u minflokha tittieħed bħala bażi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

4.20.

Bħalissa, hemm aktar minn 3 300 IĠ reġistrati. Madankollu, madwar 80 % ta’ dawk l-IĠ jinsabu biss f’sitt Stati Membri tal-UE (5). Dan juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ rappreżentanza ta’ ħafna Stati Membri tal-UE fi ħdan is-sistema tal-IĠ. Barra minn hekk, hemm riskju li dan id-distakk se jikber minħabba li l-Istati Membri b’ħafna IĠ qed jiksbu għarfien espert fil-ġestjoni prattika u amministrattiva tagħhom u li minnujistgħu jibbenefikaw produtturi ġodda li qed ifittxu li jirreġistraw il-prodotti tagħhom, filwaqt li produtturi fi Stati Membri oħra ma jħossuhomx mgħammra biżżejjed sabiex iwettqu r-reġistrazzjoni tal-prodotti tagħhom. Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta ma tipprovdix miżuri li jiffaċilitaw u jappoġġjaw ir-reġistrazzjoni tal-IĠ għal dawk li jkunu għadhom ġodda, u li jippromovu din is-sistema lilhom.

4.21.

L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ppubblikata fl-2021, tissottolinja l-fatt li, f’ċerti pajjiżi, l-IĠ għadhom ibatu minn nuqqas ta’ għarfien min-naħa tal-konsumatur (6). F’dan ir-rigward, il-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni huma essenzjali, kif intwera mill-impatt tal-kampanji ta’ promozzjoni tal-UE dwar l-IĠ. Il-KESE jqis li r-reviżjoni tas-sistema għandha tinkludi għodod ta’ appoġġ għall-promozzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-IĠ.

4.22.

Il-proposta tintroduċi l-ħolqien ta’ ċertifikati għall-produtturi li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠ. Il-KESE jqis li, jekk imfassla bir-reqqa u mmexxija tajjeb, ċertifikati bħal dawn jistgħu jħaffu l-kummerċ, filwaqt li jżommu livell għoli ta’ protezzjoni kontra l-frodi. Kodiċi QR fuq il-prodotti GI jista’ jipprovdi wkoll aċċess dirett għal dan iċ-ċertifikat.

5.   Kummenti finali

5.1.

Is-sistema tal-IĠ kienet politika tal-UE ta’ suċċess kbir li għamlitha possibbli li jiġu ppreservati l-“għarfien espert” u l-wirt kulturali uniku, filwaqt li żiedet id-dħul tal-produtturi u reġgħet qajment mill-ġdid iż-żoni rurali. Kif iddikjarat fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata fl-2021 (7), din il-politika hija pjuttost effiċjenti, u li l-emendi introdotti mir-Regolament dwar l-OKS il-ġdid komplew isaħħu l-politika. Ir-reviżjoni l-ġdida kif stabbilita fil-proposta tal-Kummissjoni, tissuġġerixxi xi modifiki addizzjonali li potenzjalment jistgħu jżidu aktar l-effiċjenza tal-politika. Madankollu, modifiki oħra li ġew proposti, jeħtieġu xi kjarifika, filwaqt li oħrajn, bħal pereżempju l-involviment tal-EUIPO, probabbilment jirriskjaw li jikkumplikaw il-proċeduri jew li jdgħajfu n-natura intrinsika tas-sistema tal-IĠ, li hija fil-qalba tas-suċċess tagħha. Id-DĠ AGRI għandu jibqa’ l-attur ewlieni responsabbli għall-ġestjoni tal-IĠ, filwaqt li d-DĠ GROW għandu jiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ta’ din is-sistema fil-livell internazzjonali permezz ta’ ftehimiet kummerċjali u sensibilizzazzjoni.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

(2)  https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/food-safety-and-quality/certification/quality-labels/geographical-indications-register/

(3)  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/c1d86ba1-7b09-11eb-9ac9-01aa75ed71a1

(4)  COM(2022) 134 final.

(5)  https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/c1d86ba1-7b09-11eb-9ac9-01aa75ed71a1

(6)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=SWD:2021:427:FIN (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=SWD:2021:427:FIN (mhux disponibbli bil-Malti).


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma”

(COM(2022) 140 final)

u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE”

(COM(2022) 142 final — 2022/0095(COD))

(2022/C 443/18)

Relatur:

Thomas WAGNSONNER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 16.5.2022

Parlament Ewropew, 2.5.2022

Kunsill, 10.6.2022

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

30.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) japprezza l-proposti li jinsabu fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari u, f’din l-Opinjoni, jappoġġja b’mod partikolari l-isforzi biex il-prodotti jsiru aktar sostenibbli. Barra minn hekk, iqis ukoll li l-approċċ legali armonizzat huwa neċessarju. Fl-istess ħin, jirrimarka li l-Proposta għal Regolament ġdid dwar l-Ekodisinn fil-biċċa l-kbira tagħha għadha vaga minħabba l-għadd kbir ta’ atti delegati. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi implimentazzjoni aktar mgħaġġla u ambizzjuża fid-dawl tal-ħtieġa ta’ tnaqqis fl-użu tar-riżorsi u l-ħarsien tal-klima.

1.2.

Il-KESE jirrimarka b’mod partikolari l-fatt li dan il-perkors għall-ekonomija ċirkolari jista’ jirnexxi biss jekk l-operaturi ekonomiċi kollha, jiġifieri l-produtturi, il-konsumaturi, il-ħaddiema, kif ukoll l-awtoritajiet, ikunu involuti u infurmati b’mod adatt. Biex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba, huma meħtieġa regolamenti korrispondenti ċari, tajbin u koerenti bil-għan li l-prodotti sostenibbli jingħataw opportunità ġusta għall-kompetizzjoni.

1.3.

L-elementi l-ġodda tar-Regolament, bħall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, ir-rekwiżiti l-ġodda tal-ekodisinn (id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklaġġ, l-integrità ambjentali, l-emissjonijiet tas-CO2, eċċ.), u r-rekwiżiti tal-informazzjoni permezz tal-passaport diġitali tal-prodotti u t-tikketti huma milqugħa, u qed tiġi enfasizzata l-importanza ta’ informazzjoni korretta u xierqa, b’mod partikolari għall-konsumaturi.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-projbizzjoni tal-qerda ta’ oġġetti mhux mibjugħa, li għandhom jinftiehmu bħala oġġetti ġodda, ritornati jew li jistgħu jissewwew. Jilqa’ wkoll il-fatt li, flimkien mal-pakkett ċirkolari, ir-Regolament jindirizza problemi eżistenti bħall-“greenwashing” u l-obsolexxenza.

1.5.

Il-Forum dwar l-Ekodisinn huwa korp ta’ appoġġ b’ħafna kompiti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni. F’dan il-kuntest, il-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, għandhom jingħataw l-opportunità li jagħtu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom għat-titjib tal-proċess.

1.6.

Il-KESE huwa konxju tal-isfidi li jiffaċċjaw il-produtturi u n-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u tal-fatt li għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi bla bżonn. Huwa jara wkoll l-opportunità li jinħoloq livell ta’ produzzjoni Ewropew ġdid “Made in Europe” bi standards ta’ prodotti sostenibbli.

1.7.

L-istrumenti għad-dikjarazzjoni tal-konformità u l-awtoregolamentazzjoni jagħtu lok għall-intraprenditorija. Kontrolli effiċjenti u kkoordinati bejn l-Istati Membri b’informazzjoni tajba għall-konsumatur isaħħu l-fiduċja fi tranżizzjoni b’suċċess mill-ekonomija lineari għal dik ċirkolari.

1.8.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-Regolament ma jkoprix id-dimensjoni soċjali. Referenza għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva ma titqiesx suffiċjenti.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Is-sistema ekonomika lineari hija ta’ piż kbir għar-riżorsi globali. Fil-perjodu bejn il-Konferenzi tan-NU ta’ Pariġi u Glasgow dwar it-Tibdil fil-Klima, ġew ikkunsmati aktar minn nofs triljun tunnellata ta’ riżorsi ġodda. Is-Circularity Gap Report 2022 (1) jiddikjara li 8,6 % biss ta’ dak li jintuża madwar id-dinja jiġi riċiklat. Fi kliem ieħor, hemm distakk fiċ-ċirkolarità ta’ aktar minn 90 %. L-ekonomija ċirkolari tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tnaqqis fil-konsum tar-riżorsi.

2.2.

Il-ħtieġa li jiġu kkonservati r-riżorsi giet rikonoxxuta fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-Patt Ekoloġiku, l-istrateġija ta’ tkabbir tal-UE għal soċjetà ġusta u għanja b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni kibret minħabba l-problemi relatati mal-katina tal-provvista kkawżati mill-pandemija u mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna. In-negozji u l-konsumaturi qed jesperjenzaw skarsezzi u żidiet fil-prezzijiet f’ħafna oqsma.

2.3.

B’mod aktar speċifiku, fl-aħħar ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-inizjattivi li ġejjin fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma”

Proposta għal Regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli

Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024

Strateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari

Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini

Proposta fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika

2.4.

Din l-Opinjoni tindirizza l-kommunikazzjoni “Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma” (COM(2022) 140 final) u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (COM(2022) 142 final — 2022/0095 (COD)).

2.5.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-mudell ekonomiku lineari prevalenti u li jittieħdu passi lejn ekonomija ċirkolari. Azzjoni armonizzata madwar l-Ewropa se ssaħħaħ il-kompetittività, toħloq l-impjiegi u toffri lill-konsumaturi prodotti sostenibbli. Din tirrikjedi approċċ ġdid għall-manifattura ta’ prodotti li jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi attwali (REACH, it-tikettar tal-enerġija, l-imballaġġ, eċċ.).

2.6.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Ekodisinn se jiġi estiż ħafna u permezz tal-inizjattivi tiegħu speċifiċi għas-settur tat-tessuti, tal-prodotti għall-bini, eċċ. se jikkontribwixxi għall-effiċjenżja fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija. B’mod partikolari, il-kontenut il-ġdid dwar it-tisħiħ taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott (id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklaġġ aħjar, eċċ.) u dwar it-titjib fl-informazzjoni tal-prodott permezz tal-passaport diġitali tal-prodott se jirrikjedi li n-negozji jippreżentaw b’mod trasparenti l-kwalitajiet u l-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tagħhom. Il-konsumaturi se jingħataw l-opportunità li jqabblu u b’hekk jevalwaw prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti Ewropej tas-sostenibbiltà.

2.7.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fir-Regolament dwar l-Ekodisinn se jkunu supplimentati b’aktar miżuri ta’ akkumpanjament. Il-pożizzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi se jissaħħu permezz ta’ informazzjoni obbligatorja dwar il-benefiċċji tal-prodott u dawk ambjentali kif ukoll dwar it-tiswija, id-durabbiltà u l-projbizzjoni ta’ “greenwashing”. Il-kontrolli tal-prodott mill-awtoritajiet u l-monitoraġġ trasparenti tal-konformità mal-kriterji tal-prodott joffru s-sigurtà li wieħed jista’ jagħżel prodotti ta’ kwalità għolja u b’hekk jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Fil-prinċipju, il-KESE japprova l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari u tal-inizjattiva dwar il-prodotti sostenibbli, għaliex f’dan ir-rigward is-sostenibbiltà tfisser il-kombinazzjoni tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Dan ifisser li l-operaturi ekonomiċi kollha jeħtieġ li jissodisfaw rekwiżiti ġodda u ta’ sfida. Il-kumpaniji huma meħtieġa jiffokaw il-produzzjoni u d-disinn tal-prodotti tagħhom fuq is-sostenibbiltà u jipprovdu informazzjoni dwar dan. Il-konsumaturi jridu jifhmu din l-informazzjoni u jieħdu d-deċiżjoni “t-tajba” b’mod responsabbli abbażi tagħha. F’dan ir-rigward jinħtieġu kampanji rilevanti ta’ sensibilizzazzjoni. Jeħtieġ li jsir kontroll effettiv biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri u li ma jiġux ipperikolati, peress li dan ikun ta’ ħsara għall-pożizzjoni tal-Ewropa jew jippromovi “xettiċiżmu ekoloġiku”. Minflok, l-għan huwa: impjiegi tajbin, żvilupp aħjar, approċċ olistiku, u konsumaturi u klijenti infurmati.

3.2.

Dan ir-Regolament u l-ekonomija ċirkolari jistabbilixxu standards ġodda. Sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu aċċettati, implimentati u jwasslu għal proċess ta’ ċiklu ekonomiku, l-operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-konsumaturi, il-manifatturi, l-intraprendituri, it-trade unions u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, għandhom jiġu involuti b’mod attiv u proattiv. F’dan il-kuntest, se jkun utli li tingħata informazzjoni rilevanti dwar l-opportunitajiet u l-objettivi u li l-partijiet ikkonċernati jiġu involuti fil-ħin.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ armonizzat tar-Regolament u tal-atti delegati biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u biex jiġu indirizzati l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti, l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet għall-konsumaturi u l-kompetizzjoni. Il-prodotti sostenibbli huma opportunità Ewropea għan-negozji, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi, u jissodisfaw ix-xewqa tal-konsumaturi fir-rigward tal-impatt ambjentali u ċiklu ta’ ħajja itwal tal-prodotti.

3.4.

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu inklużi aktar prodotti u rekwiżiti ogħla hija milqugħa. Il-KESE jinnota li l-kumpaniji tal-produzzjoni se jiffaċċjaw sfidi ġodda, pereżempju permezz tal-passaport diġitali tal-prodotti, ir-regolamenti dwar oġġetti mhux mibjugħa u r-regolamenti speċifiċi għall-prodott, iżda li dan huwa meħtieġ biex tinkiseb l-ekonomija ċirkolari. Fl-istess ħin, b’dan se jiġi stabbilit standard ġdid “Made in Europe”. Barra minn hekk, se jinħolqu opportunitajiet għall-ekonomija fl-oqsma tad-disinn, tar-rimi u tat-tiswija.

3.5.

Il-KESE jirrimarka l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-oqsma legali kollha kkonċernati. Dan jinkludi l-koerenza fil-qafas ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni f’termini ta’ żmien u kontenut, sabiex ma titnaqqasx l-effettività minħabba s-segmentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u approċċi differenti fl-Istati Membri. Madankollu, huwa daqstant importanti li tiġi żgurata l-koerenza ma’ oqsma legali importanti oħra ta’ akkumpanjament, bħad-Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva li ġiet ippreżentata reċentament, ir-regolamenti dwar l-iskart li huma importanti għaċ-ċirkolarità, inklużi l-miżuri ta’ esportazzjoni, ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq, eċċ.

3.6.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu adottati atti delegati u, peress li għad hemm ħafna affarijiet li mhumiex ċari, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal pjan ta’ ħidma aktar dettaljat. Dan sabiex jiġi żgurat li għadd kbir ta’ prodotti jkunu koperti mill-atti delegati. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions għandhom ikunu involuti fi stadju bikri.

3.7.

Il-KESE jinnota li r-Regolament dwar l-Ekodisinn huwa qasam ta’ leġiżlazzjoni kumplessa ħafna li se ġġib magħha bidla fil-mudell ekonomiku. Tinħtieġ implimentazzjoni mgħaġġla iżda tajba tal-kontenut. Għalhekk hemm bżonn ta’ riżorsi umani adegwati għall-implimentazzjoni tal-atti delegati. Peress li qed jiġu imposti wkoll rekwiżiti ġodda fuq il-konsumaturi, in-negozji, il-faċilitajiet tat-tiswija u l-awtoritajiet tal-kontroll, jeħtieġ ukoll li l-operaturi ekonomiċi kollha jiġu involuti b’mod adegwat fil-proċess ta’ informazzjoni.

3.8.

L-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom ikunu minn ta’ quddiem nett fir-rigward tal-akkwist ekoloġiku fil-proċessi tal-akkwist pubbliku tagħhom. Madankollu, jista’ jinkiseb ukoll impatt ikbar billi l-akkwist ekoloġiku jsir kundizzjoni fid-direttivi dwar il-finanzjament għas-sussidji jew għall-għotjiet, bħall-bosta programmi ta’ investiment tal-EU għall-kumpaniji jew għall-partijiet terzi.

3.9.

Il-KESE jinnota li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u li għandhom ikunu ċari u faċli biex jiġu identifikati. Il-bidliet usa’ fir-rekwiżiti tar-Regolament il-ġdid dwar l-Ekodisinn jistgħu jżidu l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti, iżda dan huwa kkumpensat mill-iffrankar tal-ispejjeż permezz ta’ titjib fil-prestazzjoni, id-durabbiltà, il-kapaċità ta’ titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta’ tiswija u żieda fil-valur fit-tmiem tal-ħajja. Tagħmir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jista’ jiffranka l-enerġija u l-flus. Barra minn hekk, il-prodotti b’ħajja twila huma aktar ekonomiċi. Bil-Proposta l-ġdida għal Direttiva, il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw medja ta’ EUR 285 (2) fis-sena. Ir-Regolament jenfasizza l-affordabbiltà, u dan ir-rekwiżit għandu jqis il-baġits differenti tal-unitajiet domestiċi, sabiex l-ekodisinn ma jsirx fattur esklużiv. Għalhekk huwa aktar u aktar importanti li jingħata appoġġ finanzjarju lill-konsumaturi għax-xiri inizjali u għat-tiswija ta’ prodotti sostenibbli.

3.10.   Aspetti ekoloġiċi

3.10.1.

L-ekodisinn jitlob li naħsbu b’mod ċirkolari. Il-KESE jagħmel enfasi fuq dan b’mod partikolari b’rabta mal-punti li ġejjin:

Ir-regolamentazzjoni u l-miżuri ta’ kontroll: nuqqasijiet jew eċċezzjonijiet fl-atti delegati jew fl-impenn volontarju kif ukoll il-possibilitajiet ta’ evażjoni u l-lakuni fil-kontroll imorru kontra l-miri. Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn, tal-prestazzjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-parametri tal-prodott, għandhom ikunu konsistenti fil-livell meħtieġ.

Il-kumpaniji li, sa mill-istadju tad-disinn, għandhom jaħsbu dwar l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-użu twil tal-prodott, il-manutenzjoni u t-tiswija sempliċi, jew dwar il-prodott suċċessur li jista’ jinħoloq minn dak oriġinali. L-istandardizzazzjoni tal-prodott għandha terġa’ tiġi kkunsidrata wkoll. Eżempji ta’ dan jinkludu d-dimensjonijiet differenti tat-tajers jew tal-kejbils tal-iċċarġjar.

Il-konsumaturi għandhom jirċievu l-informazzjoni essenzjali dwar l-impatt ambjentali, id-durabbiltà, it-tiswija, l-użu sussegwenti u r-rimi meta jiddeċiedu li jixtru prodott.

3.10.2.

Ir-riċiklaġġ huwa l-element li jmiss tar-Regolament li jippermetti l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi wara l-użu twil u l-użu mill-ġdid. Dan huwa maħsub biex iżid il-kontenut irriċiklat fil-prodotti, ir-riċiklabbiltà tal-prodotti u l-valur tas-setturi tar-riċiklaġġ u tat-tiswija. Il-KESE jappoġġja l-objettiv, iżda jirrimarka li f’dan ir-rigward għad hemm xi ostakli tekniċi, legali u kunċettwali li jridu jingħelbu.

Il-ħsieb f’termini taċ-ċiklu ta’ materjal juri l-ħtieġa enormi li ssir bidla. Eżempju ta’ dan huwa li rati ogħla ta’ riċiklaġġ għandhom ikunu akkumpanjati minn kwoti minimi għall-użu ta’ materjal riċiklat jew li r-riċiklabbiltà teoretika (3) tal-prodotti għandha tkun konsistenti mar-riċiklabbiltà teknika u mal-implimentazzjoni prattika tal-miżuri ta’ riċiklaġġ. Pereżempju, fis-settur tal-plastik, huma meħtieġa bidliet kbar fid-disinn u l-manifattura, sal-punt li l-materja prima sekondarja ma tiġix ittrattata fuq l-istess livell mal-materja prima primarja (4).

Ir-riċiklaġġ huwa wkoll opportunità għall-Ewropa. Pereżempju, il-minerali metalliċi ta’ kwalità għolja jiġu importati bħala materja prima jew prodotti u, wara li jintużaw, jintremew jew jintbagħtu madwar id-dinja kważi b’xejn; dan jinkludi, b’mod partikolari, il-karozzi u l-iskart elettroniku. Dawn għandhom jitqiesu bħala materjali ta’ valur u għandhom jiġu ttrattati bħala tali. Iż-żarmar, ir-riproċessar u r-riċiklaġġ huma ta’ benefiċċju għall-klima, iżda joħolqu wkoll valur miżjud kbir, u impjiegi (5). F’dan kollu, huwa kruċjali wkoll li wieħed josserva mill-qrib il-bilanċ ekonomiku, ekoloġiku u soċjali.

3.10.3.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li tittieħed azzjoni kontra prodotti mhux mibjugħa, iżda jista’ jkun hemm approċċ aktar ambizzjuż. Il-qerda ta’ prodotti intatti, inklużi prodotti ġodda, ritornati jew li jistgħu jissewwew, mhijiex mixtieqa mis-soċjetà peress li hija ħela ta’ riżorsi. Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-proposta tal-Kummissjoni li, bħala l-ewwel pass, titlob lill-kumpaniji biss jipprovdu dokumentazzjoni u li teżenta lill-SMEs minn dan ir-rekwiżit, mhijiex suffiċjenti. Is-sempliċi possibbiltà li jinkisbu miżuri aktar b’saħħithom permezz ta’ atti delegati tagħti lok għal dubji dwar l-ilħuq effettiv tal-objettivi. Il-KESE jappoġġja l-projbizzjoni tal-qerda ta’ prodotti mhux mibjugħa, sakemm dawn ma jkunux perikolużi. Barra minn hekk, in-negozji u l-pjattaformi tal-bejgħ bl-imnut se jintalbu jaħdmu fuq prattiki kummerċjali li se jnaqqsu b’mod sinifikanti l-għadd ta’ prodotti ritornati u inventarju mhux mibjugħ. Il-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa wkoll dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti rritornati.

3.11.   Aspetti ekonomiċi

3.11.1.

Il-KESE jirrimarka li l-Proposta għal Regolament għandha tintlaqa’ tajjeb mill-perspettiva tal-SMEs, iżda se titqies ukoll b’xettiċiżmu. L-SMEs għandhom riżorsi (umani) limitati għad-dispożizzjoni tagħhom. B’mod partikolari, il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fir-Regolament għandhom ikunu mmirati lejn il-ħtiġijiet u n-neċessitajiet tal-SMEs. Barra minn hekk, l-SMEs qed jifaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għall-akkwist pubbliku meħtieġ. Għalhekk, għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jippermettulhom jipparteċipaw fil-proċeduri rilevanti. Fl-aħħar nett, mill-perspettiva tal-SMEs, jeħtieġ li jkun hemm komplementarjetà bejn ir-regolamentazzjoni sostenibbli tal-prodott u r-regolamentazzjoni speċifika għall-prodott. Dan għandu jevita l-irduppjar tal-ispejjeż u l-burokrazija.

3.11.2.

Dawk li jipprovdu servizzi ta’ tiswija jinsabu f’pożizzjoni ewlenija biex jiżġuraw li l-prodotti jkollhom ħajja twila. Għaldaqstant, għandu jsir faċli għall-fornituri tas-servizzi ta’ tiswija, il-kumpaniji soċjoekonomiċi li jispeċjalizzaw fl-użu mill-ġdid u l-inizjattivi ta’ tiswija mnedija mis-soċjetà ċivili/mil-livell lokali biex jieħdu posthom f’dan il-mudell ċirkolari. Pereżempju, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, il-fatt li l-inizjattivi ta’ tiswija ħadu assigurazzjoni għat-tiswijiet kien ta’ suċċess, u fl-istess ħin dan ipprovdilhom il-leġittimità biex iwettqu t-tiswijiet.

3.12.

Mudelli ġodda ta’ negozju ċirkolari (6) huma identifikati bħala għodda importanti fil-Komunikazzjoni. Dawn iridu jkunu attraenti, interessanti u ta’ inċentiv għan-negozji u l-konsumaturi u għandhom jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Diġa jeżistu mudelli fil-prattika, bħall-ekonomija kollaborattiva, il-prodott bħala servizz, u l-ħlas skont l-użu. Il-KESE jissuġġerixxi li l-pjattaforma tal-aħjar prattika eżistenti tiġi promossa billi jitħeġġeġ l-użu tagħha u billi tiġi adattata għall-isfidi attwali tal-ekonomija ċirkolari. Eżempji li bħalissa huma elenkati fil-pjattaforma jinkludu l-karużell tal-kostruzzjoni — il-materjali jiġu offruti lil utenti ġodda wara xogħlijiet ta’ demolizzjoni jew konverżjoni — jew in-networks ta’ tiswija, li jġibu lill-konsumaturi u lil dawk li jagħmlu t-tiswijiet f’kuntatt. Madankollu, ħafna bażijiet tad-data mhumiex attraenti għall-fornituri u l-utenti.

3.13.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar azzjoni sostenibbli u li l-prodotti jintużaw sa tmiem il-ħajja tagħhom. L-istudji xjentifiċi (7) juru li l-unitajiet domestiċi jaħżnu prodotti funzjonali iżda li ma għadhomx jintużaw (eż. laptops, mowbajls, toasters, eċċ,) sa sitt snin. Għalhekk, hemm bżonn ta’ inċentivi adatti għall-konsumaturi biex l-oġġetti li ma għadhomx jintużaw iżommuhom fiċ-ċiklu tal-użu.

3.14.   Aspetti soċjali

3.14.1.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-Regolament ma jkoprix id-dimensjoni soċjali. Mhuwiex biżżejjed li ssir referenza għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (8) peress li din id-Direttiva tiffoka b’mod ċar fuq approċċ orjentat lejn il-proċess fir-rigward tal-ktajjen tal-valur globali u l-kwistjonijiet soċjali speċifiċi għall-prodott ma jiġux koperti b’mod adegwat. Il-KESE jirrimarka b’mod espliċitu li, mill-perspettiva tas-sostenibbiltà, it-tliet dimensjonijiet kollha, jiġifieri s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, iridu dejjem jiġu indirizzati flimkien, u jissuġġerixxi għalhekk li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-Regolament biex tara hemmx lok li jiġu inklużi aspetti soċjali speċifiċi għall-prodott.

3.14.2.

Il-KESE jirrimarka li l-impjiegi ekoloġiċi ma humiex awtomatikament impjiegi sostenibbli, sakemm ma jitqisux l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha. Għandu jiġi żgurat, speċjalment għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni, li l-istandards tax-xogħol jiġu rrispettati.

3.14.3.

Proġett tal-imsieħba soċjali Ewropej (9) indirizza l-impatt tal-ekonomija ċirkolari fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tista’ toħloq bejn 250 000 u 700 000 impjieg sal-2030. L-impatt ivarja ħafna skont is-settur u r-reġjun. Is-setturi tal-iskart u t-tiswija se jibbenefikaw aktar mill-medja, mentri s-setturi tal-estrazzjoni u tal-kimika se jintlaqtu b’mod negattiv. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’ forza tax-xogħol b’edukazzjoni tajba (eż. ġestjoni tal-iskart). B’mod ġenerali, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli impjiegi tajbin u li jitħallsu pagi deċenti. Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni bħalissa ma tipprevedix djalogu soċjali biex jitqiesu l-konsegwenzi għall-ħaddiema li se ġġib magħha t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Informazzjoni dwar il-Passaport Diġitali tal-Prodotti, it-tikketti u l-ekotikketti

4.1.1.

Il-KESE jilqa’ l-aċċess għal informazzjoni komprensiva dwar il-prodott fil-Passaport Diġitali tal-Prodotti. L-informazzjoni għandha tkun immirata u faċilment aċċessibbli mill-utent għall-atturi kollha tul il-katina tal-provvista. Il-kontenut għandu jipprovdi lill-konsumaturi bil-bażi għal teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ix-xiri, l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-rimi f’loġika ta’ ċirkolarità. Dan jinkludi l-kontenut tas-CO2 tal-prodott, il-proporzjon ta’ elementi tal-materjali tal-art rari, il-komponenti perikolużi, il-materjali mhux riċiklabbli, il-lista ta’ partijiet li jistgħu jissewwew kif ukoll id-disponibbiltà tagħhom jew, fil-każ ta’ software, il-kompatibbiltà u l-ispejjeż. Il-possibbiltà li tiġi inkluża informazzjoni dwar aspetti oħra tas-sostenibbiltà fil-Passaport Diġitali tal-Prodotti hija milqugħa (10). Hawnhekk, huwa ssuġġerit li l-Passaport Diġitali tal-Prodotti jiġi akkumpanjat b’indiċi ta’ tiswija li jkun fih informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiswija, b’mod partikolari, tal-partijiet importanti li jiddeterjoraw bl-użu, il-prezz tal-partijiet tal-bdil u d-disponibbiltà temporali tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li fihom ġew immanifatturati l-prodotti. L-informazzjoni essenzjali għandha tkun disponibbli wkoll għall-konsumaturi f’forma fiżika, bħall-garanzija u l-kontenut tal-karbonju tal-prodott.

Il-Passaport Diġitali tal-Prodotti ma għandux ikun strument għall-kumpaniji li jgħaqqad riżorsi addizzjonali (ġbir ta’ data), iżda għandu jintegra s-sistemi eżistenti. Madankollu, ir-rekwiżit li tiġi pprovduta data dejjem aktar trasparenti, iżda fl-istess ħin sensittiva, jista’ jeħtieġ ukoll reviżjoni tal-koerenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.

4.1.2.   Tikketti

L-informazzjoni dwar il-prodott, li għad trid tiġi definita fl-atti delegati, għandha tiġi kkomunikata lill-konsumaturi permezz ta’ tikketti. Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-klijenti għandhom jingħataw informazzjoni korretta, viżibbli u ċara, b’data essenzjali dwar l-impatt fuq il-klima, il-kontenut u l-kompożizzjoni, il-konformità mal-istandards tal-ħaddiema, id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija.

4.1.3.   L-ekotikketta

Ħafna prodotti u servizzi huma ċċertifikati taħt l-Ekotikketta Ewropea permezz ta’ opinjoni esperta. L-għan huwa li jkun faċli għall-konsumaturi biex jidentifikaw il-prestazzjoni ambjentali, id-durabbiltà u l-kwalità għolja ta’ dawn il-prodotti u servizzi u li jkunu jistgħu jqabbluhom ma’ oħrajn. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-ekotikketta jistgħu biss jikkomplementaw u mhux jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti bbażata fuq ir-Regolament dwar l-Ekodisinn, u l-kontrolli mill-awtoritajiet skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għandhom ikopru wkoll l-informazzjoni fuq l-ekotikketti.

4.2.   Swieq online

Kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha huma importanti, għalhekk id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà għas-swieq online għandhom japplikaw b’mod partikolari f’każijiet meta l-ebda attur ieħor fil-katina tal-provvista ma jieħu azzjoni kontra prodott mhux konformi (11).

4.3.

Is-sorveljanza tas-suq — il-kontrolli, il-projbizzjonijiet, il-multi — hija ddelegata lill-Istati Membri, u l-informazzjoni dwar il-ksur tiġi ppubblikata fl-ICSMS (is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq), sistema Ewropea ta’ rappurtar u informazzjoni għal prodotti meqjusa mhux konformi jew perikolużi. Il-KESE jappoġġja l-proposta biex tiġi estiża u mtejba s-sorveljanza tas-suq peress li bejn 10 % u 25 % tal-prodotti eżaminati ma jikkonformawx mad-Direttiva tal-Ekodisinn (12). Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, jeħtieġ li s-sorveljanza tas-suq tingħata r-riżorsi adatti. B’mod partikolari b’rabta man-nuqqas ta’ konformità, jeħtieġ li jiġi żgurat li n-nonkonformità tal-prodott tiġi segwita b’mod adatt mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Sfortunatament, dejjem ikun hemm eżempji negattivi tal-evitar tat-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità, bħall-każ reċenti tal-maskri protettivi kontra l-COVID-19. L-awtoritajiet għandhom dejjem iwettqu verifiki għal għarrieda. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom ikunu involuti wkoll bħala informaturi kompetenti dwar każijiet ta’ nonkonformità. Dan jista’ jsir b’mod rapidu u effettiv, flimkien mad-Direttiva dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Sorveljanza effettiva tas-suq fl-Istati Membri kollha teħtieġ rwol attiv ħafna għall-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam, sabiex in-negozji kollha fiż-Żona Ekonomika Ewropea jgawdu minn kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni permezz ta’ livell ugwali ta’ kontroll. Barra minn hekk, qed tinġibed l-attenzjoni għall-potenzjal għal titjib fl-aċċessibbiltà u l-informazzjoni tal-paġna ewlenija tal-ICSMS.

4.4.

Il-Forum dwar l-Ekodisinn u l-involviment tal-partijiet interessati kollha f’dan il-proċess għandhom jintlaqgħu tajjeb, iżda għandha tingħata attenzjoni għall-funzjonament effettiv u li jiġu żgurati r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u r-riżorsi għal dawn il-kompiti. Pereżempju, il-Forum ma jistax iwettaq l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni; dan huwa kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi jew tal-Kummissjoni Ewropea.

4.5.

L-użu ta’ miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni bħala strument alternattiv għal att delegat għal grupp ta’ prodotti għandu jkun eċċezzjoni. Jekk dawn il-miżuri jiġu applikati, il-kriterji tagħhom fir-rigward taċ-ċarezza, il-kopertura tas-suq u l-kwalità għandhom ikunu qrib l-atti delegati.

4.6.

Il-KESE jixtieq isemmi b’mod espliċitu l-“Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari” (13) fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni. L-inizjattiva, li tnediet f’Marzu 2017 b’mod konġunt mill-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, tappoġġja sħubijiet ġodda u l-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjonijiet għall-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa. Hija maħsuba wkoll biex tesprimi l-kontribut importanti li l-ekonomija ċirkolari tista’ tagħti għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Circle Economy: The Circularity Gap Report 2022, Project Platform for Accelarating the Circular Economy (PACE).

(2)  https://ec.europa.eu/info/energy-climate-change-environment/standards-tools-and-labels/products-labelling-rules-and-requirements/energy-label-and-ecodesign/about_mt

(3)  Pomberger, R. (2020). Über theoretische, praktische und reale Recyclingfähigkeit (Dwar ir-riċiklabbiltà teoretika, prattika u reali, mhux disponibbli bil-Malti) https://doi.org/10.1007/s00506-020-00721-5, https://doi.org/10.1007/s00506-019-00648-6

(4)  Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, COM(2018) 28 final.

(5)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 118.

(6)  Ara INT/778 dwar “L-innovazzjoni bħala mutur għal mudelli ekonomiċi ġodda” (Opinjoni esploratorja), ĠU C 303, 19.8.2016, p. 28.

(7)  Seduta pubblika, NAT/851, preżentazzjoni minn Gudrun Obersteiner, 29.4.2022.

(8)  COM(2022) 71 final.

(9)  https://www.etuc.org/en/publication/european-social-partners-project-circular-economy-and-world-work-0

(10)  COM(2022) 142 final — 2022/0095(COD), p. 29, punt 26.

(11)  Nota: L-Opinjoni: INT/957 dwar “Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Prodotti/reviżjoni (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 99) diġà tindirizza aspetti importanti dwar is-sikurezza tal-prodotti.

(12)  J. Bürger/G. Paulinger, Kamra tax-Xogħol ta’ Vjenna (2022) https://emedien.arbeiterkammer.at/viewer/resolver?urn=urn:nbn:at:at-akw:g-5230098, p. 88.

(13)  https://circulareconomy.europa.eu/platform/.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/130


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill”

(COM(2022) 156 final — 2022/0104 (COD))

u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar ta’ data ambjentali minn installazzjonijiet industrijali u l-istabbiliment ta’ Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali”

(COM(2022) 157 final — 2022/0105 (COD))

(2022/C 443/19)

Relatur:

Stoyan TCHOUKANOV

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 2.5.2022 (għal COM(2022) 156 final)

Parlament Ewropew, 5.5.2022 (għal COM(2022) 157 final)

Kunsill, 10.5.2022

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

30.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/3/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jappoġġja bis-sħiħ approċċ ikkombinat u konsistenza politika għall-protezzjoni tal-ekosistemi u s-saħħa tal-bniedem mill-effetti negattivi tat-tniġġis filwaqt li jiġu pprovduti kobenefiċċji għaċ-ċittadini u l-industrija tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) (1) u tar-Regolament dwar ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR Ewropew).

1.2.

Il-KESE jemmen li l-10 snin li ġejjin se jkunu kritiċi għall-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE 2050 għal tniġġis żero u ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi u issa, aktar minn qatt qabel, neħtieġu flessibbiltà u ċarezza fil-proċess regolatorju.

Relatati mal-IED:

1.3.

L-Artikolu 15(3) rivedut jipproponi bħala prestabbilit ġdid, li l-kittieba tal-permessi għandhom jistabbilixxu “l-aktar valuri limitu tal-emissjonijiet stretti possibbli li huma konsistenti mal-aktar emissjonijiet baxxi li jistgħu jinkisbu bl-applikazzjoni tal-BAT [l-aqwa tekniki disponibbli] fl-installazzjoni”. Il-KESE jqis li din il-kjarifika hija milqugħa u konsistenti mal-IED għall-prevenzjoni tat-tniġġis fis-sors. Fil-permess, għandhom jitqiesu l-kamp ta’ applikazzjoni eżatt u l-perimetri tat-teknoloġija sabiex jintuża t-tqabbil rilevanti tal-BAT.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-punti ta’ kjarifika li ġejjin: fuq liema bażi u kriterji ta’ fattibbiltà tista’ ssir l-analiżi tal-fattibbiltà tal-operatur? Din se tinkludi, lil hinn mir-Rapport ta’ Referenza taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) dwar id-dokumenti ta’ referenza tal-BAT (BREFs), fornituri oħrajn tat-teknika, NGOs u l-pubbliku kkonċernat biex jivvalidaw dik l-analiżi? X’inhu r-rwol tal-awtorità li tagħti l-permessi?

1.5.

Il-KESE jemmen li jista’ jsir it-titjib li ġej sabiex id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jsiru aktar effettivi: rabta mal-kriterji għad-determinazzjoni tal-BAT (Anness III attwali) sabiex l-operaturi jkollhom l-opportunità li jiġġustifikaw l-effett transmedjali rilevanti li jista’ jxekkel il-kisba tal-BAT-AEL proposti. Il-proposta għandha tistabbilixxi validità massima tad-deroga eż. [3] / [4] snin sabiex ma tipprovdix vantaġġ kompetittiv mhux dovut għall-operaturi li jagħmlu użu ripetittiv/ta’ żmien estensiv tad-derogi. Konsultazzjoni minn qabel ma’ mill-inqas tliet fornituri indipendenti tat-teknika tippermetti l-kunsiderazzjonijiet tal-perspettivi differenti tal-interessi tal-industrija. Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar ċari eż. valutazzjoni tal-impatt sħiħa kontra l-għażliet proposti għal kompatibbiltà massima mal-BAT l-aktar stretti, inkluż il-konformità mal-Istandard ta’ Kwalità Ambjentali u l-kompatibbiltà ta’ dik il-valutazzjoni mal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku jiġu segwiti mill-qrib meta jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin fir-rigward tad-diversi objettivi tal-media.

1.7.

Il-KESE jaqbel mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu jingħata tifsira ċara. Minbarra l-kostijiet ekonomiċi monetizzati vs. il-proporzjonijiet tal-benefiċċji soċjetali, għal raġunijiet ta’ trasparenza u kompletezza, għandhom jiġu analizzati wkoll il-kostijiet soċjetali vs. l-indikaturi tal-benefiċċji soċjetali u ambjentali. Il-benefiċċji ambjentali għandhom jinkludu benefiċċji għas-saħħa u tal-protezzjoni tal-klima; il-metodu tal-kost tal-ħsara għandu juża biss il-metodi aktar protettivi eż. il-metodu tal-Valur tal-Ħajja Statistika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) adattat għal-livelli tal-prezzijiet tal-OECD/US.

1.8.

Il-KESE jqis li l-isfida li għandha tingħeleb mhijiex l-identifikazzjoni ta’ tekniki rivoluzzjonarji (innovazzjoni) iżda pjuttost l-implimentazzjoni tagħhom fuq skala industrijali. Ostaklu ewlieni jista’ jorbot mal-falliment tal-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni. Il-fondi ġġenerati mill-applikazzjoni tal-livelli tal-kostijiet tal-ħsara jistgħu jiġu ridistribwiti f’“Fond tal-UE għat-Tindif mit-Tniġġis u t-trasformazzjoni tal-industrija” jew fondi eżistenti oħra bħall-fondi għall-modernizzazzjoni u l-innovazzjoni. l-operaturi għandhom imbagħad ikunu jistgħu japplikaw għall-użu ta’ dawk il-fondi fi proċess kompetittiv ta’ offerti sabiex jipprovdu inċentivi għat-trasformazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni adegwata biex il-konverżjoni mill-ġdid u t-trasformazzjoni jappoġġjaw l-iżvilupp mill-ġdid ekonomiku lokali u sostenibbli, konsistenti bis-sħiħ ma’ “tranżizzjoni ġusta” soċjalment aċċettabbli. L-appoġġ għandu jingħata għal industriji u servizzi li verament jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. Hemm bżonn tingħata attenzjoni speċjali għall-fatt li kwalunkwe fond iġġenerat biex jappoġġja t-tranżizzjoni jrid jiġi ġestit fil-livell tal-UE, filwaqt li tiġi evitata kull skema potenzjali ta’ Għajnuna mill-Istat, u titrawwem skema pan-Ewropea armonizzata li tissodisfa l-prinċipju tas-suq uniku tal-UE.

1.9.

Il-KESE jqis li l-ħarsien tal-klima huwa importanti, u li l-qafas jipprevedi approċċ ikkombinat tad-diversi strumenti inkwistjoni. It-teħid ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tat-tniġġis m’għandux jiddependi fuq jekk hemmx każ ta’ negozju għall-ħarsien tal-klima. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ approċċ ikkombinat, u konsistenza politika li twassal għal kobenefiċċji. Artikolu 9(1) jillimita lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ aktar miżuri fuq l-operaturi soġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ tal-EU ETS, u għalhekk huwa ppreferut li jitħassar. Bit-tħassir ta’ din id-dispożizzjoni, l-industrija ma tkunx soġġetta immedjatament għall-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

1.10.

Il-KESE jemmen li l-aġġornament tax-Xibka Ewropea ta’ Sigurtà, sabiex ikun hemm allinjament ma’ standards BAT aġġornati u l-aktar avvanzati jista’ jtejjeb b’mod konsiderevoli l-effettività tal-użu tal-BAT u l-benefiċċji pubbliċi, b’mod partikolari għall-impjanti kbar tal-kombustjoni.

1.11.

Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jittejbu l-kondizzjonijiet ekwivalenti – għall-inċinerazzjoni tal-iskart, il-konformità mal-VLE għandha tiġi żgurata matul il-ħin effettiv tal-operat, għall-operaturi tal-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni (LCP), dawn jistgħu jinjoraw l-emissjonijiet li jseħħu waqt il-bidu tat-tħaddim u t-tifi. Il-KESE jqis li l-operazzjoni possibbli ta’ waqfien tat-tnaqqis hija inaċċettabbli.

1.12.

Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva tiġi implimentata b’mod proporzjonat u kosteffettiv, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li fil-każ tat-trobbija estensiva tal-bhejjem il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġi adattat abbażi tad-densità ta’ unità ta’ bhejjem għal kull ettaru. It-trobbija tal-annimali fil-beraħ għandha titqies b’mod adegwat.

1.13.

Qed jiġu proposti xi opportunitajiet għat-titjib tal-valutazzjoni tal-konformità. Madankollu, id-dettalji se jiġu stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat sentejn biss wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida. Il-KESE jemmen li dan huwa tard wisq, u misshom diġà ġew stabbiliti dispożizzjonijiet li jeħtieġu frekwenzi minimi ta’ kalibrazzjoni għat-tagħmir ta’ monitoraġġ u rekwiżiti fir-rigward tal-livelli ta’ inċertezza tal-kejl li ma jaqbżux dawk li huma allinjati mal-livelli miksuba minn tagħmir tal-kejl l-aktar avvanzat.

1.14.

Il-KESE jara xi mertu fil-promozzjoni ta’ aktar minn titjib inkrimentali fil-livell tal-installazzjoni biss, meta tkun mixtieqa tranżizzjoni aktar mgħaġġla u aktar profonda tal-metodi ta’ produzzjoni. L-attivitajiet li ġejjin huma proposti bħala oqsma ta’ prijorità: il-produzzjoni/konservazzjoni tal-enerġija, il-kwalità tal-ilma u s-servizzi tal-provvista, it-trasformazzjoni tal-produzzjoni tal-proteini tal-pjanti/annimali u ikel u xorb ieħor, il-ġestjoni tar-riżorsi, is-sostituzzjoni ta’ sustanzi kimiċi ta’ tħassib, ir-rimedju/fertilità tal-ħamrija.

Relatati mal-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali (PRTR Ewropew):

1.15.

Il-proposta tilfet l-opportunità li tipprevedi użu aktar effettiv tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni diġà ġġenerata fir-rapport annwali dwar il-konformità (Artikolu 14(1) tal-IED), li għandha tintuża għal skopijiet ta’ valutazzjoni komparattiva u konformità. Formola tal-input armonizzata tal-obbligu ta’ rapportar b’kontenut obbligatorju għar-rapport annwali dwar il-konformità, li tippermetti l-estrazzjoni awtomatika ta’ dik l-informazzjoni fil-Portal tal-EEA, ittejjeb b’mod konsiderevoli l-aċċess għal informazzjoni ewlenija dwar il-prestazzjoni fil-livell tal-UE għal diversi gruppi ta’ utenti finali.

1.16.

Il-KESE enfasizza li aċċess imtejjeb għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni jinkiseb b’rabta mas-sezzjonijiet dwar is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali. Ħafna minn dawn l-elementi (eż. l-użu tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid tal-ilma, il-prevenzjoni tal-iskart, is-sostituzzjoni u l-użu ta’ sustanzi perikolużi) huma proposti li jiġu rrappurtati skont il-PRTR Ewropew, razzjonalizzazzjoni tar-rapportar relatat mal-IED biex tiġi integrata l-informazzjoni fil-Portal u għalhekk jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġi pprovdut valur miżjud għall-utilità ta’ dik l-informazzjoni.

1.17.

Iż-żamma tal-limiti ta’ rapportar se żżid il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, minħabba l-passi ta’ valutazzjoni ulterjuri meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk il-limiti tal-inkwinanti nqabżux. Fejn teżisti data ta’ monitoraġġ, din għandha tintuża u għalhekk tiġi rrapportata, inkella tintilef informazzjoni interessanti dwar il-forzi ewlenin li wasslu għal rilaxxi taħt il-limiti ta’ rapportar. Għalhekk, il-KESE ma jaqbilx mal-limiti ta’ rapportar.

1.18.

Il-lista ta’ inkwinanti soġġetti għar-rapportar inżammet kif inhi sa mill-2004. Il-KESE mhuwiex konvint li d-dewmien fl-elenkar ta’ inkwinanti identifikati li huma ta’ tħassib huwa adegwat. L-inkwinanti kollha identifikati fl-Artikolu 14 huma diġà soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar. Il-KESE ma jarax valur miżjud li ssir referenza biss għas-Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna diġà awtorizzati tal-Anness XIV, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-IED jirrigwardaw “sustanzi perikolużi”. Għalhekk, il-KESE jqis li lista usa’ ta’ sustanzi bi proprjetajiet ta’ tħassib għandha tiġi elenkata direttament fl-Anness II tal-PRTR, bħala rapportar obbligatorju tal-kodiċijiet tal-iskart tal-UE.

1.19.

Il-KESE jemmen li l-Portal tal-EEA għandu jippermetti t-tqabbil tal-limiti tal-permessi għal installazzjonijiet simili, f’termini tal-prevenzjoni ambjentali u tat-tniġġis tagħhom, idealment fil-livell globali. Il-KESE jirrakkomanda l-integrazzjoni tal-informazzjoni li diġà hija ġġenerata mir-rekwiżiti tal-IED/BAT u s-sistema ta' ġestjoni ambjentali. Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ Kiev dwar il-PRTR jirreferi għat-tliet għanijiet tal-PRTR biex jittejjeb l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni li jiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali, kif ukoll jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ambjent. Dawn l-aħħar żewġ għanijiet ma ġewx indirizzati biżżejjed.

1.20.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li l-valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni ambjentali u l-promozzjoni tal-konformità fil-livell tal-UE, l-elaborazzjoni tal-manutenzjoni u l-helpdesks tal-IT u l-mutwalizzazzjoni tal-isforzi għal dak il-għan (baġit u għodod) jissodisfaw interessi tal-grupp tal-utenti finali ferm usa’ u differenti, filwaqt li jistimulaw ukoll lill-industrija biex tiskambja aktar il-prattika tajba dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis.

2.   Sfond

2.1.

Id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) hija l-aktar strument importanti tal-UE li għandha l-għan li tipprevjeni t-tniġġis mis-sors b’mod integrat, biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali ġenerali għal attivitajiet industrijali fuq skala kbira. Għalhekk għandha l-potenzjal li tagħti tifsira konkreta lill-Ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero ddikjarata minnha nnifisha, u se tikkontribwixxi wkoll għal saħħa aħjar. Ir-reviżjoni tagħha huwa test għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE biex juru li huma serji dwar it-twettiq tal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE fil-prattika permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi.

2.2.

L-evalwazzjoni nbdiet fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. Jeżistu fehmiet diverġenti bejn ir-rappreżentanti ta’ ċerti assoċjazzjonijiet tal-kummerċ tal-operaturi industrijali u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili, iżda wkoll fi ħdan il-gruppi kkonċernati tal-partijiet interessati tal-industrija.

2.3.

Il-proposta riveduta tal-IED ġiet riveduta, flimkien mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 (2) dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR Ewropew), dan ir-Regolament jimplimenta l-Protokoll ta’ Kiev tal-UNECE dwar il-PRTR tal-2006 (3).

2.4.

Ħarsa ġenerali lejn il-proposta riveduta tal-IED: l-għan iddikjarat tal-Kummissjoni Ewropea huwa “li tittrasforma l-leġiżlazzjoni f’qafas li jħares ’il quddiem adattat biex jakkumpanja t-trasformazzjoni industrijali meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika”, hija tibni fuq l-elementi kostitwenti ewlenin li ġejjin: 1: l-effikaċja mtejba; 2: l-innovazzjoni; 3: ir-riżorsi u s-sustanzi kimiċi; 4: id-dekarbonizzazzjoni. L-implimentazzjoni ta’ dawk l-elementi kostitwenti tiddependi direttament fuq it-tfassil tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED, stabbilit fl-Anness I tagħha, li jista’ jitqies bħala l-ħames element kostitwenti.

2.5.

Ħarsa ġenerali lejn il-proposta riveduta PRTR Ewropew: il-proposta riveduta għal Regolament dwar ir-rapportar ta’ data ambjentali minn installazzjonijiet industrijali u l-istabbiliment ta’ Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali għandha l-għan li ttejjeb l-integrazzjoni tal-flussi ta’ rapportar permezz ta’ bażi tad-data online ċentralizzata (il-Portal dwar l-Emissjonijiet Industrijali tal-EEA (4), ir-rapportar dwar l-użu tar-riżorsi u t-tqegħid tal-informazzjoni fil-kuntest. L-għan huwa li jiġu koperti mill-inqas 90 % tal-informazzjoni dwar ir-rilaxx. Il-lista ta’ inkwinanti u l-limiti ta’ rapportar dwar ir-rilaxx inżammu l-istess.

3.   Kummenti ġenerali (IED)

3.1.

L-aspettattivi ewlenin mis-soċjetà ċivili (5) huma li tinkiseb il-protezzjoni tal-klima permezz ta’ “approċċ ikkombinat” (kmand u kontroll u ETS), it-tfassil mill-ġdid tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, indikaturi tal-prestazzjoni li jiggwidaw it-trasformazzjoni, il-limitazzjoni tal-flessibbiltajiet u ambizzjoni aktar b’saħħitha tal-permessi u proċess ta’ determinazzjoni tal-BAT li jħares ’il quddiem li jpoġġi l-interessi pubbliċi l-ewwel.

3.2.

Mill-perspettiva tal-industrija, il-pożizzjonijiet huma aktar differenti.

3.2.1.

Il-ħames għan trasversali, imsemmi fil-punt 2.4 hawn fuq, ma jilħaqx, madankollu, komponent ewlieni, jiġifieri l-ħtieġa addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

3.2.2.

Hemm bżonn ta’ analiżi komparattiva sabiex tiġi evitata l-leġiżlazzjoni multipla mhux armonizzata (minn 2 sa 4) dwar l-istess emissjonijiet, li tista’ twassal għal konfużjoni. Pereżempju, f’vetturi tal-enerġija, l-ETS tidher li qed timmotiva aktar minn deċiżjonijiet simultanji oħra.

3.2.3.

Il-proċess tal-ħruġ tal-permessi għandu jiġi rrazzjonalizzat, intensifikat u ssemplifikat. L-iżvilupp tal-kapaċità tal-awtoritajiet u t-tħejjija aħjar tal-proċess huma meħtieġa biex il-proċedura ssir rapida u effiċjenti. Huwa mistenni li l-proposta għal sommarju tal-permess tista’ tgħin biex jiġi indirizzat dan it-tħassib.

3.2.4.

Hemm bżonn ta’ bilanċ irfinat bejn is-sanzjonar (motivazzjoni negattiva) u l-inċentivar, favur dan tal-aħħar, sabiex jinkisbu riżultati ta’ prevenzjoni/tnaqqis tat-tniġġis aktar malajr.

3.3.

L-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema jilqgħu l-proposta; il-ħaddiema huma impenjati għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-industrija u jfakkru li din mhijiex sfida teknoloġika iżda pjuttost waħda soċjali. Għandha tingħata attenzjoni adegwata li l-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali u l-ħaddiema tal-isforzi usa’ ta’ prevenzjoni tat-tniġġis meħtieġa għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku tal-UE huma konsistenti bis-sħiħ ma’ tranżizzjoni ġusta. L-assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema jemmnu li regoli Ewropej aktar stretti dwar l-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jappoġġjaw il-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba fejn l-industrija nnifisha ssir sostenibbli, jeżistu eżempji tajbin bħat-tranżizzjoni tal-Azzar Ekoloġiku fl-Iżvezja. Standards aktar stretti dwar it-tniġġis jistgħu jgħinu biex jattiraw investimenti biex l-infrastruttura tal-industrija tal-UE tkun adattata għall-ambizzjoni ta’ tniġġis żero. L-assoċjazzjoni tal-ħaddiema tappoġġja l-aċċellerazzjoni tal-isforzi dwar is-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi prodotti u użati f’attivitajiet industrijali u b’hekk tappoġġja trasparenza mtejba u aċċess faċli għall-utent għall-informazzjoni dwar is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sustanzi kimiċi.

4.   Kummenti speċifiċi (reviżjoni tal-IED)

4.1.   Element kostitwenti 1: Adozzjoni aktar stretta tal-BAT fl-għoti ta’ permessi

4.1.1.

Il-proposta tirrikonoxxi, bħala falliment ewlieni, li l-maġġoranza tal-kundizzjonijiet tal-permessi jallinjaw mal-inqas livelli ta’ tniġġis permessi skont il-BAT-AE(P)Ls (livelli ta’ emissjonijiet assoċjati) rilevanti (Artikolu 15(3)). L-Artikolu 15(3) rivedut jipproponi bħala prestabbilit ġdid, li l-kittieba tal-permessi għandhom jistabbilixxu “l-aktar valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet stretti possibbli li huma konsistenti mal-aktar emissjonijiet baxxi li jistgħu jinkisbu bl-applikazzjoni tal-BAT fl-installazzjoni”. Il-KESE jqis li din il-kjarifika hija milqugħa u konsistenti mal-IED għall-prevenzjoni tat-tniġġis fis-sors. Fil-permess, għandhom jitqiesu l-kamp ta’ applikazzjoni eżatt u l-perimetri tat-teknoloġija sabiex jintuża t-tqabbil rilevanti tal-BAT.

4.1.2.

Ir-referenza għat-“tarf l-aktar strett tal-medda” iżda teknikament fattibbli fl-aħħar paragrafu tagħmilha internament konsistenti u aktar allinjata mal-Patt Ekoloġiku tal-UE.

4.1.3.

Il-proposta tippermetti li l-operatur janalizza l-“fattibbiltà li jiġi ssodisfat it-tarf l-aktar strett tal-medda” tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT (BAT-AEL) u “li tintwera l-aħjar prestazzjoni li tista’ tikseb l-installazzjoni billi tiġi applikata l-BAT kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT”, huma meħtieġa kjarifiki dwar din id-dispożizzjoni (ara r-rakkomandazzjonijiet).

Dispożizzjoni ta’ derogi (Artikolu 15(4))

4.1.4.

Ir-referenza għall-projbizzjoni tad-derogi kollha li “jistgħu jqiegħdu f’riskju” il-konformità ma’ Standard tal-Kwalità Ambjentali ssarraf l-approċċ prekawzjonarju u preventiv f’formulazzjoni legali aktar ċara, u għalhekk hija appoġġjata, kif hija appoġġjata wkoll il-ħtieġa għal rekwiżiti addizzjonali ta’ monitoraġġ għall-kejl tal-impatt fuq l-ambjent riċeventi.

Metodu ta’ kjarifika dwar kif għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji

4.1.5.

Il-metodu tal-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji huwa propost f’Anness II ġdid bħala parti minn prinċipji ġodda li għandhom jiġu rispettati meta jingħataw id-derogi. Il-benefiċċji ambjentali għandhom jinkludu benefiċċji għas-saħħa u għall-protezzjoni tal-klima, il-metodu tal-kost tal-ħsara għandu juża biss il-metodi aktar protettivi eż. il-metodu tal-Valur tal-Ħajja Statistika tal-EEA adattat għal-livelli tal-prezzijiet tal-OECD/US, abbażi tal-EEA (rapport 04/2020 tal-ETC/ATNI) (6).

4.1.6.

Il-metodu mtejjeb tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandu jintuża wkoll biex jiġu stabbiliti l-livelli ta’ sanzjonijiet u kumpens, iżda wkoll biex jiġi ddeterminat x’għandu jitqies bħala “ekonomikament vijabbli” fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-BAT. L-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għal internalizzazzjoni sistematika tal-kostijiet esterni tippermetti wkoll il-ġenerazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali li jistgħu jiġu allokati mill-ġdid biex jappoġġjaw l-użu ta’ tekniki emerġenti rivoluzzjonarji.

Relatat mal-iskarikar tal-ilma

4.1.7.

Ir-rekwiżiti biex tinkiseb l-ekwivalenza tal-livelli ta’ protezzjoni f’każ ta’ skariku indirett ta’ ilma mormi saru iktar stretti (Artikolu 15(1)). Il-maġġoranza tal-partijiet interessati, jiġifieri s-soċjetà ċivili u l-industrija tal-provvista tal-ilma huma pjuttost favur il-bidliet li saru fil-proposta l-ġdida, peress li żżid il-kundizzjonalitajiet dwar taħt liema kundizzjonijiet jista’ jseħħ rilaxx indirett. Huwa pożittiv li l-ekwivalenza tat-tagħbija ta’ sustanzi niġġiesa hija enfasizzata, u li dan huwa fil-każijiet kollha mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 (konformità mal-Istandard tal-Kwalità Ambjentali). Jista’ jintuża kliem aktar b’saħħtu sabiex tiġi pprojbita d-dilwizzjoni, u għandu jiġi stabbilit approċċ ta’ “tolleranza żero” għal lista ta’ inkwinanti rikalċitranti f’konformità mal-obbligu ta’ nondeterjorament li japplika fil-kuntest tal-protezzjoni tal-ilma.

4.1.8.

Id-dispożizzjoni tista’ tkun ta’ aktar valur miżjud jekk il-valur fil-mira tal-bijoeliminabbiltà/bijodegradabbiltà li għandu jintlaħaq jiġi stabbilit fi kwalunkwe punt ta’ rilaxx.

Ir-restrizzjoni tal-flessibbiltà permezz ta’ aġġornament tax-xibka ta’ sikurezza tal-UE

4.1.9.

Ir-rekwiżit li l-Impjanti Kbar tal-Kombustjoni li jaħdmu bil-linjite biss ma jaqbżux il-firxa stretta tal-BAT-AEL, seta’ jevita piż annwali ta’ kost ta’ ħsara għas-saħħa li jiswa mill-inqas EUR 42,2 biljun. Meta wieħed iqis li r-rekwiżiti vinkolanti minimi tal-Anness V huma bbażati fuq data dwar l-emissjonijiet tal-2000-2001, il-KESE jemmen li l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tal-Anness V, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġim ta’ konformità, għandhom jiġu emendati biex jiġu allinjati mal-livelli stretti ta’ effiċjenza enerġetika assoċjati mal-BAT u ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT għal-LCPs għall-kombustjoni tal-faħam/linjite tal-BREF3 rivedut tal-LCP tal-2017. Il-proposta m’għandha l-ebda ġustifikazzjoni għaliex ix-xibka ta’ sikurezza tal-UE skaduta ma ġietx riveduta.

Nuqqasijiet oħra li jaffettwaw b’mod negattiv l-effettività tal-għanijiet tal-IED

4.1.10.

Miżuri aktar ċari (eż. operazzjoni mnaqqsa) b’obbligu bbażat fuq ir-riżultati għandhom jiġu speċifikati fit-test legali tal-Artikolu 18 tal-Istandard tal-Kwalità Ambjentali, sabiex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti tkun obbligata tieħu miżuri preventivi (eż. konformità tal-Istandard tal-Kwalità Ambjentali “buffer ta’ sikurezza”), rabta espliċita fl-Artikolu 21(5) mal-NAPCP, l-NECP kif ukoll il-linji gwida tal-WHO dwar il-kwalità tal-arja (7) jkunu milqugħa, l-Artikolu 3 (6) għandu jiġi emendat skont dan.

Informazzjoni dwar il-prestazzjoni b’kondizzjonijiet ekwivalenti msaħħa u promozzjoni tal-konformità

4.1.11.

Il-proposta tilfet l-opportunità li tipprevedi użu aktar effettiv tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni diġà ġġenerata fir-rapport annwali ta’ konformità (Artikolu 14(1) tal-IED), formola tal-input armonizzata tal-obbligu ta’ rapportar li tippermetti l-estrazzjoni awtomatika ta’ dik l-informazzjoni fil-Portal tal-EEA, ittejjeb b’mod konsiderevoli l-aċċess għall-informazzjoni ewlenija dwar il-prestazzjoni.

4.1.12.

Il-KESE jemmen li misshom diġà ġew stabbiliti dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-konformità, bħal frekwenzi minimi ta’ kalibrazzjoni għat-tagħmir ta’ monitoraġġ u limiti għall-inċertezza tal-kejl li ma għandhomx jinqabżu, f’konformità mat-tekniki l-aktar avvanzati.

Drittijiet imsaħħa ta’ Aarhus

4.1.13.

Sar titjib f’xi aspetti relatati mal-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, xprunata wkoll minn Każ tal-Kumitat għall-Konformità ta’ Aarhus (8). Il-garanziji l-ġodda skont l-Artikolu 25 huma relatati ma’ rimedji effettivi u aċċess għall-qrati, u huma milqugħa tajjeb. Madankollu, il-KESE jemmen li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 25 għandha tiġi emendata biex tinkludi kwalunkwe att/ommissjoni meħuda skont l-IED, u mhux biss dawk relatati mal-Artikolu 24. Barra minn hekk, għandha titwettaq investigazzjoni sistematika bir-reqqa jekk, u sa liema punt, il-pretensjonijiet ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jkunu konformi mal-qafas rilevanti ta’ Aarhus.

4.2.   Element kostitwenti 2: “Appoġġ għall-innovazzjoni”

4.2.1.

Il-KESE jqis li l-proposta ma tipprovdix għodod u inċentivi ċari biex titrawwem “innovazzjoni” sinifikanti. L-ewwel nett, mhuwiex ċar x’inhu maħsub li tikseb din l-innovazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoniu n-nuqqas ta’ miri xprunati mir-riżultati. Saru xi dispożizzjonijiet li jiggwidaw l-użu ta’ “Tekniki Emerġenti”. Madankollu, il-kriterji għall-valutazzjoni ta’ liema teknika emerġenti hija bbażata fuq il-livelli ta’ tħejjija teknoloġika (TRL) biss.

4.2.2.

Il-KESE jenfasizza li l-iskadenza għall-2050 biex tinkiseb it-“trasformazzjoni” tmur kontra l-għanijiet tal-UE dwar it-tniġġis u t-tnaqqis tal-emissjonijiet, u mal-limitazzjonijiet imposti mil-limiti planetarji. Issa, l-istadji importanti u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għandhom jiġu definiti fi proċess ibbażat fuq ix-xjenza, u jinkludu b’mod espliċitu l-NGOs u partijiet interessati rilevanti oħra.

4.2.3.

Il-partijiet interessati l-oħra għandhom jingħataw rwol formali fl-elaborazzjoni tal-pjani ta’ trasformazzjoni, u l-iskambju tal-informazzjoni tal-BREF tal-UE. Il-lista tal-partijiet interessati msemmija fid-dispożizzjoni taċ-Ċentru tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali (INCITE), inkluża l-EEA, hija aktar adegwata. Parteċipazzjoni aktar ibbilanċjata ta’ diversi gruppi ta’ interess u l-inklużjoni tal-akkademja u NGOs oħra għall-protezzjoni tas-saħħa għandhom jiġu mħeġġa.

4.2.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni b’miri ta’ azzjoni marbutin b’ħin ċar għandhom jiġu żviluppati u jistgħu jiżdiedu mal-Anness III tal-IED pereżempju, li huwa relatat mal-kriterji għad-determinazzjoni tal-BAT. Dawn l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jistgħu jintużaw biex jiggwidaw ir-reviżjonijiet tal-BREF kif ukoll il-proċess tal-pjan ta’ trasformazzjoni. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom isiru fi proċess imfassal tajjeb u f’waqtu, bi stadji importanti li jistgħu jiġu ppjanati b’antiċipazzjoni, biex jipprovdu għal sinjali bikrija u appoġġ adegwat għall-ippjanar.

4.2.5.

Il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti prinċipji minimi, li jiżguraw li l-prevenzjoni tat-tniġġis tiġi ppreferuta fuq it-tnaqqis tagħha, u analiżi tal-kompatibbiltà dwar jekk it-tekniki identifikati (li qed jitfaċċaw) humiex kompatibbli mal-kisba tal-acquis u l-għanijiet stabbiliti ta’ “tniġġis żero”.

4.3.   Element kostitwenti 3: Riżorsi u Sustanzi Kimiċi

4.3.1.

L-Artikolu 15(3)(a) li jirrikjedi li l-Valuri tal-Limitu tal-Prestazzjoni Ambjentali jkunu fil-firxiet tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT (BAT-AELs) u livelli ta’ prestazzjoni ambjentali oħrajn mhuwiex konsistenti biżżejjed mar-rekwiżit li l-operaturi japplikaw il-BAT, u għandu jikkorrispondi għal-livell strett tal-firxiet BAT-AEPL li huma relatati mal-istandards tal-“impjant il-ġdid”, fejn issir differenzazzjoni fil-Konklużjoni-BAT korrispondenti. Il-KESE jilqa’ r-rwol aktar b’saħħtu tal-BAT fir-rigward tal-użu tar-riżorsi; dawn mhux biss huma ta’ benefiċċju għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, iżda jipprovdu wkoll każ ta’ negozju għall-operaturi.

4.3.2.

L-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema u l-NGOs jenfasizzaw ukoll il-benefiċċji tas-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi u l-prevenzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta f’inqas mard okkupazzjonali bħall-kanċer (li huwa l-ewwel kawża tal-mewt fuq il-post tax-xogħol). Il-KESE enfasizza li l-aċċess u l-interpretazzjoni mtejba tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni jinkisbu permezz ta’ integrazzjoni diretta fil-Portal tal-EEA.

4.4.   Element kostitwenti 4: Appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni

4.4.1.

Il-proposta ma tagħmilx l-IED adatta għall-protezzjoni tal-klima. Il-KESE jqis li l-ħarsien tal-klima huwa importanti. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ approċċ ikkombinat u konsistenza tal-politika li jwasslu għal kobenefiċċji.

4.4.2.

Is-soċjetà ċivili pproponiet li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet li ġejjin fit-test tal-IED: “in-newtralità klimatika” għandha tiżdied bħala kriterju supplimentari tal-BAT; l-Artikolu 9(1) jitħassar; il-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni jiġu stabbiliti wkoll fi ħdan il-Pjani ta’ Trasformazzjoni eż. 100gCO2eq/kWh mill-1 ta’ Jannar 2035, u għal 0gCO2e/kWh sa mhux aktar tard mill-2040. Obbligi mandatorji ta’ elettrifikazzjoni u bdil tal-fjuwil.

4.4.3.

L-industrija tipprovdi perspettiva differenti u minflok tieħu approċċ ta’ każ b’każ, fl-istennija tal-effetti possibbli tad-Direttiva msaħħa dwar l-ETS tal-UE. Huma jiffavorixxu l-proposta tal-KE biex ir-reviżjoni tiġi posposta għal nofs l-2028. L-argument ewlieni huwa li s-sistema EU-ETS hija aktar flessibbli għall-operaturi biex jiddeċiedu waħedhom liema miżuri huma kosteffiċjenti biex jiġu implimentati.

4.5.   Tfassil mill-ġdid/estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni (punti settorjali)

Attivitajiet intensivi tal-bhejjem (inklużjoni tal-baqar, limiti riveduti tat-tjur u tal-ħnieżer)

4.5.1.

Il-KE pproponiet xi bidliet fir-rigward tat-trobbija tal-bhejjem fuq skala industrijali bbażata fuq l-unitajiet tal-bhejjem (9). Il-KE tistenna benefiċċju għas-saħħa assoċjat ta’ EUR 5,5 biljun fis-sena, bi stima ta’ spiża ta’ konformità ta’ madwar EUR 265 miljun.

4.5.2.

Il-bidliet ewlenin huma relatati mar-reġim tal-permessi, b’reġim “ħafif” ta’ permessi propost f’Kapitolu VIa ġdid. Għall-KESE, mhuwiex ċar kif it-tnaqqis tat-tniġġis se jinkiseb biss permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni. Il-miżuri li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ “regoli operattivi” (Artikolu 70(i)) għadhom mhumiex definiti, u jkunu soġġetti għal att delegat tal-KE, punti ta’ skadenza għall-konformità għall-2030.

4.5.3.

It-tħassib ewlieni tas-soċjetà ċivili għandu x’jaqsam mal-possibbiltà li l-Istati Membri jużaw sistema ta’ reġistrazzjoni li tmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti fil-proċeduri tal-permessi fuq bażi ta’ każ b’każ (eż. l-istatus tal-ambjent riċeventi, b’mod partikolari għan-nitrati u t-tixrid tad-demel). Dan ikun jikkostitwixxi treġġigħ lura lejn l-attivitajiet tat-Taqsima 6.6 (ħnieżer u tjur) irregolati attwalment mill-IED. Hemm nuqqas ta’ rabta ċara mal-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-Istandard tal-Kwalità Ambjentali u l-kapaċità ta’ akkoljenza tal-art. It-tniġġis mill-akkwakultura għandu jiġi kopert ukoll. Fl-aħħar nett, fil-Kapitolu (Artikolu 70(f)) jintużaw kliem vagi fir-rigward tas-sinifikat tal-kwistjonijiet.

4.5.4.

Il-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi kkonċernati hija kif ġej: l-inklużjoni tat-trobbija tal-bhejjem tidher prematura: il-valuri tal-emissjonijiet relatati mat-tixrid tad-demel ma jistgħux jitkejlu b’mod korrett iżda huma pjuttost stmati mit-tip ta’ input ta’ nutrizzjoni; stimi uniformi juru tixrid ta’ aktar minn +/- 100 % madwar il-medja; dan huwa saħansitra aktar dgħajjef fit-trobbija bbażata fuq il-mergħat fejn l-emissjonijiet huma mxerrda; saħansitra ma ġie elenkat l-ebda studju analitiku disponibbli tal-JRC; nuqqas ta’ għarfien u kapaċità tal-operaturi fil-ġbir, il-forniment u r-rapportar ta’ tali tip ta’ data.

4.5.5.

L-objettiv tal-IED huwa li jintlaħaq livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni ambjentali għal installazzjonijiet fuq skala kbira. Il-proposta tal-Kummissjoni tfisser li l-irziezet bi stokk ta’ annimali li jgħodd 150 unità ta’ bhejjem jew aktar (bħala “limitu”) se jkunu koperti mid-dispożizzjonijiet tal-IED, irrispettivament mit-teknoloġija tat-trobbija użata. Fil-prattika, dan ifisser li ħafna azjendi agrikoli tal-familja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għall-istess reġim bħal impjanti industrijali kbar oħra (bħal dawk tal-produzzjoni tas-siment jew tal-azzar). Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva tiġi implimentata b’mod proporzjonat u kosteffettiv, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-limitu għall-azjendi tal-bhejjem jiżdied abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt adegwata ġdida tat-teknoloġiji tat-trobbija.

4.5.6.

Il-KESE jqis li għandhom isiru kjarifiki dwar il-kontenut tar-regoli operattivi (70(i)), jiġifieri dawk li jkunu l-aktar effettivi fit-twettiq tal-għanijiet iddikjarati tal-prevenzjoni tat-tniġġis, filwaqt li jkunu proporzjonati għall-operaturi. Issir distinzjoni dwar jekk l-annimali jitrabbewx skont l-istaġun biss f’installazzjonijiet ta’ ġewwa jew le u liema tip ta’ miżuri għandhom jittieħdu għall-ġestjoni tad-demel. Il-KESE jirrakkomanda aktar inċentivi għall-irziezet tat-trobbija li juru l-aħjar prattika ambjentali, b’mod partikolari l-biedja organika u prattiki agrikoli oħra li jirrispettaw il-benesseri tal-annimali u li huma rziezet ta’ trobbija fil-beraħ, preferibbilment għal razez adattati lokalment, lokali u rari. Il-qafas il-ġdid għandu jippromovi prattiki sostenibbli u ma jinċentivax l-ottimizzazzjoni tal-metodi ta’ trobbija intensiva tal-bhejjem eż. b’aktar miżuri għall-kontroll tal-arja fil-punt tar-rimi. Id-dokument tal-EMAS tal-2018 dwar id-dokument ta’ referenza settorjali dwar l-aqwa prattiki ta’ ġestjoni ambjentali għas-settur agrikolu (10) jipprevedi ispirazzjoni utli għall-parametri referenzjarji ta’ eċċellenza li jistgħu jservu bħala bażi utli biex jiġu definiti dawk l-istandards.

4.5.7.

L-akkwakultura hija ekosistema kumplessa li tipprovdi, minbarra l-emissjonijiet, benefiċċji ambjentali sinerġiċi: il-mikroklima, il-kontroll tat-temperatura, il-kwalità tal-arja, il-bilanċ tal-ilma, il-qbid tal-karbonju, il-bijodiversità eċċ. għalhekk, l-emissjonijiet ma jistgħux jiġu evalwati b’mod iżolat. Studju analitiku dettaljat tal-JRC ma jeżistix, lanqas fil-lista tal-BREFs. Definizzjoni preċiża ħafna tal-verżjonijiet tal-BAT hija meħtieġa minħabba l-għadd kbir ta’ teknoloġiji eżistenti li wħud minnhom għandhom impatt nett newtrali għall-klima.

Attivitajiet ta’ estrazzjoni minerali

4.5.8.

Il-KE tipproponi li tinkludi xi tipi ta’ attivitajiet ta’ estrazzjoni minerarja u metallika fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-KESE jappoġġja din l-inklużjoni peress li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-ambjent, iħeġġeġ l-esplorazzjoni ekoloġika u soda tar-riżorsi li għandhom jiġu estratti bl-aktar mod effiċjenti u b’hekk itejjeb l-aċċettazzjoni pubblika. Id-domanda għal minerali kritiċi hija mistennija li tikber b’mod qawwi fl-UE, li jfisser pressjonijiet addizzjonali għal attivitajiet ġodda ta’ estrazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn l-attivitajiet diġà huma rregolati fil-livell nazzjonali, u approċċ tal-UE jappoġġja l-kondizzjonijiet ekwivalenti.

Inklużjoni tal-manifattura ta’ batteriji gigawatts fis-siegħa

4.5.9.

Il-proposta tal-KE tissuġġerixxi li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-IED tiġi inkluża l-manifattura tal-batteriji tal-litju-jon u l-assemblaġġ ta’ ċelloli/pakketti tal-batteriji, b’kapaċità ta’ produzzjoni li taqbeż it-3,5 GWh fis-sena. Il-KESE jappoġġja din l-inklużjoni minħabba s-sejbiet emerġenti fir-rigward tal-impatti potenzjali kbar li dawk l-attivitajiet jista’ jkollhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsum tal-ilma u l-użu ta’ metalli perikolużi. Minħabba l-elettrifikazzjoni tat-trasport u applikazzjonijiet oħra, dan huwa settur li qed jikber b’rata mgħaġġla. Madankollu, mhuwiex ċar għaliex il-proposta inizjali tal-limitu tal-kapaċità 2,5 GWh tnaqqset fl-aħħar minuta.

Rimi f’landfill

4.5.10.

Il-KE tipproponi t-tisħiħ tar-rekwiżiti li japplikaw għal-landfills, għalhekk mhijiex estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni. Il-provvediment tal-BAT dwar ir-rimi f’landfill itejjeb l-impatti ambjentali u klimatiċi mir-rimi f’landfill, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni/il-qbid tal-emissjonijiet tal-metan. Id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’Landfills (11) tmur lura għall-1999, għall-kuntrarju ta’ dak li tgħid dik id-Direttiva, ma hemm l-ebda standard BAT għar-rimi f’landfill. Huwa espliċitu wkoll li t-trattament bijoloġiku jkopri attivitajiet ta’ trattament anaerobiku (f’sezzjoni 5.3). Il-KESE jappoġġja dawk iż-żewġ kjarifiki.

5.   Kummenti ġenerali (rieżami tal-PRTR Ewropew)

5.1.

Il-PRTRs għandhom iservu mill-inqas tliet għanijiet interkonnessi, kif speċifikat fl-Artikolu 1 tal-Protokoll ta’ PRTR ta’ Kiev (ara l-punt 1.19).

5.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li portali tad-data integrati moderni u li jintużaw faċilment huma essenzjali biex jiġi żgurat it-traċċar tal-progress fil-prevenzjoni tat-tniġġis u r-responsabbiltà pubblika. Filwaqt li l-KESE jilqa’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet il-ġodda bħar-rapportar sistematiku dwar l-inputs (il-konsum, il-materjali, l-impatti tal-katina tal-provvista), it-tqegħid tal-informazzjoni fil-kuntest, ir-rapportar dwar l-emissjonijiet diffużi, il-faċilità massima għall-utent u l-integrazzjoni ta’ diversi flussi ta’ rapportar, hemm tħassib serju dwar ir-rekwiżiti aktar speċifiċi, jiġifieri kif jistgħu jiġu permessi l-valutazzjoni komparattiva u l-promozzjoni tal-konformità.

6.   Kummenti speċifiċi (rieżami tal-PRTR Ewropew)

6.1.

Il-KESE mhuwiex konvint li d-dewmien fl-elenkar ta’ inkwinanti identifikati li huma ta’ tħassib huwa t-triq adatta ’l quddiem.

6.2.

Il-KESE jqis li hemm interess leġittimu fost iċ-ċittadini li jirċievu informazzjoni utli dwar l-impronta ambjentali tal-prodotti.

6.3.

Il-KE tiddikjara l-għan li “jinqabdu mill-inqas 90 % tar-rilaxxi ta’ kull inkwinant fl-arja, fl-ilma u fl-art […]; inklużi l-livelli limitu ta’ żero għal sustanzi li juru periklu partikolarment għoli għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem”; dan l-għan huwa milqugħ tajjeb.

6.4.

Iż-żamma tal-limiti ta’ rapportar se żżid il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti, fejn teżisti data ta’ monitoraġġ, din għandha tintuża u b’hekk tiġi rrapportata. Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE ma jaqbilx mal-limiti ta’ rapportar.

6.5.

Il-KESE jaħseb li l-effiċjenza u l-effettività tar-rapportar jistgħu jittejbu. L-operaturi għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw direttament lill-Portal tal-EEA d-data ta’ monitoraġġ; fil-biċċa l-kbira dawk huma bbażati fuq sistemi ta’ monitoraġġ kontinwu tal-emissjonijiet. F’ħafna pajjiżi tal-UE, iżda wkoll fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti, id-data mhux ipproċessata tal-monitoraġġ kontinwu tal-emissjonijiet hija direttament disponibbli għall-pubbliku f’ħin reali (jew fi żmien xahar) għall-bażi tad-data ċentralizzata. Din il-karatteristika għadha mhix offruta mill-EEA. Il-KESE jemmen li l-possibbiltà ta’ telerapportar dirett mill-operaturi lill-EEA tneħħi xi piż amministrattiv u ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-awtoritajiet kompetenti filwaqt li tippermetti aċċess aktar effettiv għall-informazzjoni għal diversi utenti finali. L-awtorità kompetenti żżomm ir-responsabbiltajiet ta’ validazzjoni u infurzar permezz ta’ drittijiet speċjali ta’ aċċess; l-entrati tad-data jistgħu jiġu mmarkati fuq l-istatus tagħhom (bil-validazzjoni pendenti/ivvalidati).

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(3)  https://unece.org/environment-policy/public-participation/prtrs-protocol-text

(4)  https://industry.eea.europa.eu/

(5)  https://eeb.org/library/ngo-preliminary-assessment-of-the-european-commissions-proposal-for-revised-ied-and-e-prtr

(6)  https://www.eionet.europa.eu/etcs/etc-atni/products/etc-atni-reports/etc-atni-report-04-2020-costs-of-air-pollution-from-european-industrial-facilities-200820132017.

(7)  https://www.who.int/news-room/feature-stories/detail/what-are-the-who-air-quality-guidelines

(8)  ACCC/C/2014/121 EU: https://unece.org/acccc2014121-european-union

(9)  Il-fatturi LSU huma bbażati fuq l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/813 tal-14 ta’ Mejju 2018 dwar id-dokument ta’ referenza settorjali dwar l-aqwa prattiki ta’ ġestjoni ambjentali, l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali settorjali u l-parametri referenzjarji ta’ eċċellenza għas-settur tal-amministrazzjoni pubblika skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (ĠU L 145, 8.6.2018, p. 1) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32018D0813

(11)  ĠU L 182, 16.7.2018, p. 1, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:31999L0031


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/140


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Sigurtà tal-provvista u prezzijiet affordabbli tal-enerġija: Għażliet għal miżuri immedjati u tħejjija għax-xitwa li jmiss”

(COM(2022) 138 final)

(2022/C 443/20)

Relatur:

Alena MASTANTUONO

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

21.6.2022

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

188/3/13

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-komunikazzjoni inkwistjoni għandha titqies fil-kuntest ġenerali ta' REPower EU, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li l-UE tinqata’ mill-fjuwils fossili Russi. Is-sitwazzjoni hija serja u titlob rispons bla preċedent u l-livell massimu ta’ solidarjetà u fiduċja fost l-Istati Membri tal-UE. L-Ewropa għandha bżonn ta’ pjan effiċjenti li jipprevedi xenarji differenti ta’ nuqqas ta’ enerġija, u li tiddeskrivi kif dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’azzjoni konġunta tal-Istati Membri tal-UE u kif l-infrastruttura tal-enerġija tintuża bl-aktar mod effiċjenti u tiġi żviluppata aktar. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) iħeġġeġ azzjonijiet konġunti mill-Istati Membri biex jirrispondu għall-ħtieġa ta’ infrastruttura adatta u l-użu effiċjenti tagħha.

1.2.

Inqas dipendenza fuq il-gass Russu jfisser aktar awtonomija u teħtieġ użu akbar tar-riżorsi disponibbli fl-UE, fost l-oħrajn introduzzjoni rapida ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-UE għandha għalhekk tagħmel użu massimu mir-riżorsi disponibbli u l-kapaċità eżistenti tagħha stess biex tiffaċċja n-nuqqas fil-provvista tal-enerġija. Madankollu, is-sorsi lokali mhux se jkunu biżżejjed jew faċilment disponibbli, u għalhekk l-UE trid tistabbilixxi sħubijiet ġodda ma’ pajjiżi affidabbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza li meta jiġu stabbiliti sħubijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, l-impatt tad-dipendenza fuq pajjiżi li ma jaqsmux il-valuri tal-UE jew li jistgħu jiġu mmarkati bħala reġimi mhux amikevoli jrid jiġi kkunsidrat bir-reqqa.

1.3.

Il-kawża ewlenija tal-prezzijiet għoljin attwali tal-elettriku hija l-gass, li qed jimbotta ’l fuq il-prezzijiet tal-elettriku. L-unika soluzzjoni ideali għal din il-problema tkun li jiżdiedu l-produzzjoni u l-użu tal-elettriku mhux fossili sal-punt li jissodisfaw id-domanda għall-elettriku.

1.4.

Għalkemm il-komunikazzjoni tiffoka fuq miżuri għal żmien qasir biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u prezzijiet affordabbli, dawn jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-qafas ta’ objettivi aktar fit-tul. Il-KESE jqis li huwa vitali li jiġu rispettati b’mod kostanti u konsistenti l-objettivi bażiċi kollha ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli: is-sigurtà tal-provvista, spejjeż u prezzijiet raġonevoli, u s-sostenibbiltà ambjentali.

1.5.

L-appoġġ dirett huwa bla dubju l-aktar għażla realistika bħala miżura ta’ emerġenza. L-użu ta’ żieda fid-dħul mill-VAT u mit-taxxa fuq l-enerġija jista’ jgħin lill-Istati Membri jiffinanzjaw tali miżuri. Kwalunkwe miżura ta’ appoġġ li għandha l-għan li timmitiga l-kriżi għandha tkun temporanja u mmirata tajjeb lejn dawk li jsofru l-aktar, irrispettivament jekk humiex ċittadini, SMEs jew industriji intensivi fl-enerġija. Il-komunikazzjoni, madankollu, tonqos milli tgħid li sforz sostanzjali fit-tnaqqis tal-konsum tal-gass għandu jiġi wkoll mill-konsumaturi. Għalhekk, il-kumpens li ma jwassalx għal tnaqqis fil-konsum tal-gass mhuwiex għażla sostenibbli.

1.6.

Is-sitwazzjoni għandha tirrikjedi biss miżuri temporanji mmirati fl-Istati Membri bl-inqas effetti ta’ distorsjoni fuq is-suq tal-UE, jew miżuri fil-livell tal-UE li ma jipperikolawx l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni jew il-provvista tal-enerġija. Kollox ma’ kollox, l-interventi fis-suq għandhom ir-riskju li jaħdmu kontra objettivi aktar fit-tul billi jikkawżaw inċertezzi fl-investiment u jiskoraġġixxu d-dekarbonizzazzjoni fl-industrija tal-enerġija. Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-ACER li s-suq tal-elettriku wera li jiffunzjona tajjeb f’termini ta’ evitar tat-tnaqqis tal-provvista tal-elettriku jew saħansitra qtugħ tal-elettriku f’ċerti żoni.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Wara d-deċiżjoni tal-Kremlin li jaqta’ xi pajjiżi Ewropej mill-provvista tal-gass, il-mexxejja Ewropej fehmu l-gravità tas-sitwazzjoni, li titlob rispons bla preċedent u livell massimu ta’ solidarjetà u fiduċja bejn l-Istati Membri tal-UE. L-Ewropa għandha bżonn ta’ pjan effiċjenti li jipprevedi xenarji differenti ta’ nuqqas ta’ enerġija, u li tiddeskrivi kif dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’azzjoni konġunta tal-Istati Membri tal-UE u kif l-infrastruttura tal-enerġija tintuża bl-aktar mod effiċjenti.

2.2.

Il-komunikazzjoni inkwistjoni għandha titqies fil-kuntest ġenerali ta' REPower EU, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li l-UE tinqata’ mill-fjuwils fossili Russi. F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għall-Opinjonijiet (1) preċedenti tiegħu li jkopru l-fehmiet u l-messaġġi kemm dwar miżuri fuq terminu qasir kif ukoll dwar miżuri fit-tul biex jiġu indirizzati l-isfidi li ġġib magħha din il-problema.

2.3.

Għalkemm il-komunikazzjoni tiffoka fuq miżuri fuq żmien qasir biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u prezzijiet affordabbli, dawn jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-qafas ta’ objettivi aktar fit-tul. Il-KESE jqis li huwa vitali li jiġu rispettati b’mod kostanti u konsistenti l-objettivi bażiċi kollha ta’ sistema tal-enerġija sostenibbli: is-sigurtà tal-provvista, spejjeż u prezzijiet raġonevoli, u s-sostenibbiltà ambjentali. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li ħafna miżuri, speċjalment investimenti kbar, jieħdu żmien itwal biex jitwettqu fil-prattika, u jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta’ kompromess fuq żmien qasir biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

2.4.

Mingħajr approċċ komprensiv, hemm riskju kbir li jiġu indirizzati sintomi akuti b’miżuri li huma jew ineffiċjenti jew agħar minn hekk, ikunu miżuri li jaħdmu kontra l-objettivi bażiċi. L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-enerġija bi prezzijiet affordabbli u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi spejjeż raġonevoli, filwaqt li fl-istess ħin isir sforz qawwi sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika, iridu jkunu prijorità assoluta għall-Unjoni Ewropea.

3.   Kummenti speċifiċi — is-sigurtà tal-provvista tal-gass bi spiża raġonevoli

3.1.

Il-komunikazzjoni tipproponi azzjonijiet Ewropej kollettivi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-provvista tal-gass. Il-miżuri jinkludu sħubijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi u l-iffaċilitar ta’ xiri kollettiv, kif ukoll politika komuni dwar il-ħżin tal-gass.

3.2.

Inqas dipendenza fuq il-gass Russu jfisser aktar awtonomija u teħtieġ użu akbar tar-riżorsi disponibbli fl-UE, fost l-oħrajn l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-UE għandha għalhekk tagħmel użu massimu mir-riżorsi disponibbli u l-kapaċità eżistenti tagħha stess biex tiffaċċja n-nuqqas fil-provvista tal-enerġija.

3.3.

Madankollu, huwa ovvju li s-sorsi lokali mhux se jkunu biżżejjed jew faċilment disponibbli, u għalhekk l-UE trid tistabbilixxi sħubijiet ġodda ma’ pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza li meta jiġu stabbiliti sħubijiet tal-enerġija ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, l-impatt tad-dipendenza fuq pajjiżi li ma jaqsmux il-valuri tal-UE jew li jistgħu jiġu mmarkati bħala reġimi mhux amikevoli jrid jiġi kkunsidrat bir-reqqa.

3.4.

B’mod korrispondenti, l-UE għandha tanalizza bir-reqqa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-importazzjoni tal-idroġenu minn pajjiżi terzi u tfittex ukoll soluzzjonijiet adatti li jistgħu jinstabu fl-Unjoni Ewropea stess.

3.5.

It-terminals tal-LNG, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass, u l-pipelines għal provvisti diversifikati għandhom rwol ċentrali fis-sigurtà tal-provvista tal-gass. Sabiex ir-riżorsi disponibbli fl-UE jintużaw b’mod sostenibbli, l-Ewropa ser ikollha tagħmel investimenti kbar ħafna fl-infrastruttura u fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ azzjonijiet konġunti mill-Istati Membri biex jirrispondu għall-ħtieġa ta’ infrastruttura adatta u l-użu effiċjenti tagħha. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal proġetti li għaddejjin bħall-kiri konġunt ta’ bastiment terminali tal-LNG mill-Finlandja u l-Estonja.

3.6.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-regoli l-ġodda dwar il-ħżin tal-gass li ntlaħaq qbil dwarhom malajr mill-koleġiżlaturi Ewropej. Faċilitajiet tal-ħżin tal-gass mimlija sew ser jgħinu biex tiġi żgurata xitwa sikura (2022/2023), ser jipproteġu kontra xokkijiet fil-prezzijiet, jipproteġu lill-Ewropej mill-faqar enerġetiku, u jiżguraw il-kompetittività tan-negozji Ewropej.

3.7.

F’konformità mal-Opinjoni tiegħu dwar il-politika tal-UE dwar il-ħżin tal-gass (2), il-KESE jqis il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi bħala miżura komplementari għall-investimenti f’infrastruttura ġdida, li ser iżżid is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament biex jikkunsidraw l-użu ta’ faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass f’pajjiżi ġirien affidabbli, inkluż fl-Ukrajna, u dan se jikkontribwixxi biex tiġi pprovduta s-sigurtà tal-provvista.

4.   Kummenti speċifiċi — nindirizzaw il-prezzijiet għoljin tal-elettriku

4.1.

Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija wara l-pandemija u li ġiet aggravata aktar bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja taffettwa firxa wiesgħa ta’ konsumaturi u tikkontribwixxi għaż-żieda fil-faqar enerġetiku madwar l-Ewropa. Dawk li diġà kienu qed jiffaċċjaw il-faqar enerġetiku qed jaraw li s-sitwazzjonijiet tagħhom qegħdin jaggravaw u dawk il-konsumaturi li fil-passat ma ffaċċjawx problemi biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija, issa qegħdin f’riskju li jispiċċaw fil-faqar.

4.2.

Il-Kummissjoni diġà ppubblikat diversi inizjattivi biex tindirizza l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u l-impatti tagħhom, inkluż is-sett ta’ għodod għal azzjoni u appoġġ (3) u l-għażliet ippreżentati fil-komunikazzjoni REPowerEU għall-appoġġ ta’ ċittadini vulnerabbli u l-intrapriżi l-aktar affettwati, bħall-industriji intensivi fl-enerġija biex jittaffew l-ispejjeż tal-produzzjoni u jissaħħu l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni. Il-KESE jilqa’ u jqis li huwa kruċjali li anke l-SMEs ikunu koperti mill-miżuri ta’ appoġġ.

4.3.

Il-KESE jilqa’ l-analiżi tal-benefiċċji u l-iżvantaġġi ta’ għażliet differenti biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-elettriku u l-impatti tagħhom fuq iċ-ċittadini u n-negozji, imressqa mill-komunikazzjoni inkwistjoni. L-għażliet ikopru żewġ tipi ta’ miżuri: appoġġ finanzjarju sabiex jiġu mitigati l-impatti ta’ prezzijiet għoljin, u miżuri ta’ intervent fis-suq li għandhom l-għan li jaffettwaw il-prezzijiet stess.

4.4.

L-appoġġ dirett huwa bla dubju l-aktar għażla realistika bħala miżura ta’ emerġenza. L-użu ta’ żieda fid-dħul mill-VAT u mit-taxxa fuq l-enerġija jista’ jgħin lill-Istati Membri jiffinanzjaw tali miżuri. Kwalunkwe miżura ta’ appoġġ li għandha l-għan li timmitiga l-kriżi għandha tkun temporanja u mmirata tajjeb lejn dawk li jsofru l-aktar, irrispettivament jekk humiex ċittadini, SMEs jew industriji intensivi fl-enerġija. Il-komunikazzjoni, madankollu, tonqos milli tgħid li sforz sostanzjali fit-tnaqqis tal-konsum tal-gass għandu jiġi wkoll mill-konsumaturi. Għalhekk, il-kumpens li ma jwassalx għal tnaqqis fil-konsum tal-gass mhuwiex għażla sostenibbli.

4.5.

Kif tgħid ġustament il-komunikazzjoni, ma hemm l-ebda soluzzjoni ideali. Kwalunkwe intervent fis-suq tal-enerġija se jkollu konsegwenza negattiva. F’ħafna każijiet, dawn jistgħu jkunu distorsjonijiet tas-suq, spejjeż fiskali, tfixkil fil-provvista, impatt negattiv fuq l-investimenti jew fuq l-imġiba tal-konsumatur. Fil-qosor, jista’ jaffettwa l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni jew jikkomprometti s-sigurtà tal-provvista.

4.6.

L-istampa deskritta mill-Kummissjoni għalhekk tixhed il-kumplessità fejn l-Ewropa qed tiffaċċja sfida tripla — is-sigurtà tal-enerġija, prezzijiet affordabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan għal darb’oħra jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ komprensiv għal kwalunkwe politika u miżura, biex tiġi żgurata l-konsistenza u l-kontribut tagħhom għall-objettiv tas-sostenibbiltà ġenerali tas-sistema tal-enerġija.

4.7.

Kif ippreżentat mid-dokument, m’hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd, u dan il-fatt iħalli l-ispazju għall-Istati Membri biex isibu l-aktar soluzzjoni adatta għal pajjiżhom. Madankollu, fil-każ tas-suq tal-enerġija tal-UE, kwalunkwe intervent fi kwalunkwe post jista’ jkollu konsegwenza fuq il-bqija tas-suq. Għalhekk, is-sitwazzjoni għandha tirrikjedi biss miżuri temporanji mmirati fl-Istati Membri bl-inqas effetti ta’ distorsjoni fuq is-suq tal-UE, jew miżuri fil-livell tal-UE li ma jipperikolawx l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni jew il-provvista tal-enerġija.

4.8.

F’konformità mar-rapport reċenti tal-ACER (4), il-KESE jaqbel mal-konklużjoni li s-suq tal-elettriku wera li qed jaħdem tajjeb f’termini ta’ evitar tat-tnaqqis tal-provvista tal-elettriku jew saħansitra qtugħ tal-elettriku f’ċerti żoni. Il-valutazzjoni tal-ACER hija li ta’ min li jinżamm id-disinn attwali tas-suq. Barra minn hekk, xi titjib aktar fit-tul x’aktarx li jkun kruċjali sabiex il-qafas iwettaq it-trajettorja ambizzjuża tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE fl-10-15-il sena li ġejjin, u biex dan isir bi spiża aktar baxxa filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe bidla fid-disinn tas-suq għandha tkun ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom.

4.9.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kawża ewlenija tal-prezzijiet għoljin attwali tal-elettriku hija l-gass, li qed jimbotta ’l fuq ukoll il-prezzijiet tal-elettriku permezz ta’ pprezzar marġinali. Is-soluzzjoni ideali għal din il-problema tkun li jiżdiedu l-produzzjoni u l-użu tal-elettriku mhux fossili sal-punt li jissodisfaw id-domanda għall-elettriku.

4.10.

Il-KESE jqis li l-limiti massimi tal-prezzijiet jew interventi oħra fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa huma problematiċi, peress li dawn jgħawġu s-sinjali tal-prezzijiet meħtieġa u jinvolvu l-kumplessità relatata mad-determinazzjoni tal-livell “tajjeb” tal-prezzijiet. Miżuri fiskali bħal “taxxa fuq il-profitti mhux mistennija” ma jnaqqsux il-prezzijiet iżda pjuttost jitqiesu bħala sors ta’ dħul. Kollox ma’ kollox, l-interventi fis-suq għandhom ir-riskju li jaħdmu kontra objettivi aktar fit-tul billi jikkawżaw inċertezzi fl-investiment u jiskoraġġixxu d-dekarbonizzazzjoni fl-industrija tal-enerġija.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 323, 26.8.2022, p. 123ĠU C 323, 26.8.2022, p. 129 .

(2)  ĠU C 323, 26.8.2022, p. 129.

(3)  COM(2021) 660 final.

(4)  Il-valutazzjoni finali tal-ACER tad-disinn tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE.


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/144


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji, fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fir-rigward tad-dokumenti tas-sewwieqa maħruġa mill-Ukrajna f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha”

(COM(2022) 313 final — 2022/0204 (COD))

(2022/C 443/21)

Konsultazzjoni

Kunsill, 28.6.2022

Parlament Ewropew, 4.7.2022

Bażi legali

Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

195/4/3

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza enerġetika”

(COM(2022) 222 final)

(2022/C 443/22)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 6.6.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 15.6.2022

Bażi legali

Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

13.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/2/1

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew