ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 405

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
21 ta' Ottubru 2022


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 405/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida għal proċess tal-aħjar eżekuzzjoni għall-bejgħ ta’ self li ma jrendix fi swieq sekondarji

1

2022/C 405/02

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI — L-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

50

2022/C 405/03

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI — L-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

53

2022/C 405/04

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini li jipprevedu akkumulazzjoni djagonali bejn il-Partijiet Kontraenti applikanti fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja (PEM)

56

2022/C 405/05

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10864 — AGC GLASS EUROPE / INTERPANE) ( 1 )

61

2022/C 405/06

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10870 — CAPVEST / NATRA) ( 1 )

62


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il–Kunsill

2022/C 405/07

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2022/1986, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

63

2022/C 405/08

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

65

2022/C 405/09

Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

66

2022/C 405/10

Avviż għall-attenzjoni ta' ċerti persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

68

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 405/11

Rata tal-kambju tal-euro — L-20 ta' Ottubru 2022

69


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 405/12

AVVIŻ SKONT L-ARTIKOLU 29(2) TAR-REGOLAMENTI TAL-PERSUNAL — Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali għall-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) (grad AD 15) — COM/2022/10417

70

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 405/13

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-każ M.10950 – OTPP / MAHINDRA / MSPL) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

71


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida għal proċess tal-aħjar eżekuzzjoni għall-bejgħ ta’ self li ma jrendix fi swieq sekondarji

(2022/C 405/01)

Werrej

GLOSSARJU U DEFINIZZJONIJIET 3
SOMMARJU EŻEKUTTIV 7
INTRODUZZJONI 11

1.

Strutturar tat-tranżazzjonijiet: għażla tal-portafoll 12

1.1.

Attivitajiet ewlenin 12

1.2.

Valutazzjoni tar-restrizzjonijiet legali/tat-taxxa/tal-protezzjoni tal-konsumatur 13

1.3.

Objettivi tal-proċess tal-għażla tal-portafoll 14

1.4.

Aspetti tekniċi tal-proċess tal-għażla ta’ portafoll 16

1.5.

Riflessjoni fuq l-użu meħtieġ ta’ riżorsi interni u ħtieġa addizzjonali potenzjali għal appoġġ estern 17

1.6.

Kwistjonijiet organizzazzjonali 17

2.

Fażi ta’ tħejjija 18

2.1.

Attivitajiet ewlenin 18

2.2.

L-għadd ta’ fażijiet tal-proċess u l-iskeda ta’ żmien 18

2.3.

Tħejjija tad-dokumenti ewlenin 19

2.4.

Tħejjija tas-silta tad-data dwar is-self u l-irkupru tad-dokumentazzjoni 19

2.5.

Deċiżjoni dwar l-istruttura tal-vdr 20

2.6.

Tħejjija tal-ftehim dwar il-bejgħ u x-xiri ta’ self 21

3.

Fażi ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni 22

3.1.

Attivitajiet ewlenin 22

3.2.

Sondaġġ tas-suq 22

3.3.

Definizzjoni tal-aħjar strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni 23

3.4.

It-tħejjija tal-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess għall-fażi mhux vinkolanti u għall-fażi vinkolanti 25

4.

Fażi ta’ offerta mhux vinkolanti (fażi 1) 27

4.1.

Attivitajiet ewlenin 27

4.2.

Tnedija tal-proċess ta’ offerti u d-distribuzzjoni tal-pakkett ta’ informazzjoni 28

4.3.

Offerenti li jwettqu diliġenza dovuta inizjali 29

4.4.

Sottomissjoni ta’ offerti mhux vinkolanti mill-offerenti u l-għażla tal-offerenti fil-lista mqassra li għandhom jgħaddu għat-tieni sessjoni 29

5.

Fażi ta’ offerta vinkolanti (fażi 2) 29

5.1.

Attivitajiet ewlenin 29

5.2.

Riżultati tanġibbli tal-bejjiegħ 30

5.3.

L-aħjar prattiki 30

6.

Iffirmar tat-tranżazzjoni u għeluq 34

6.1.

Attivitajiet ewlenin 34

6.2.

Kunsiderazzjonijiet ewlenin tar-riskju 35

6.3.

Kunsiderazzjonijiet tal-lspa 36

6.4.

Kunsiderazzjonijiet oħrajn 36

6.5.

Allokazzjoni tal-prezzijiet 36

7.

Wara l-għeluq 37

7.1.

Attivitajiet ewlenin 37

7.2.

Il-proċess tal-migrazzjoni 37

7.3.

Responsabbiltajiet tal-bejjiegħ 38

7.4.

Attivitajiet ta’ wara l-bejgħ 38

ANNESSI

GLOSSARJU U DEFINIZZJONIJIET

Proċess ta’ Fażi Waħda

Proċess ta’ bejgħ tal-NPL li jipprevedi biss Fażi ta’ Offerta Vinkolanti (Fażi 2).

Proċess ta’ Żewġ Fażijiet

Proċess ta’ bejgħ tal-NPL li jipprevedi kemm Fażi ta’ Offerta Mhux Vinkolanti (Fażi 1) kif ukoll Fażi ta’ Offerta Vinkolanti (Fażi 2).

AML

Il-ħasil tal-flus huwa tip ta’ reat finanzjarju. Dan jinvolvi t-teħid ta’ rikavati miksuba b’mod kriminali (“flus maħmuġin”) u l-ħabi tal-oriġini tagħhom sabiex ikunu jidhru li ġejjin minn sors leġittimu. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (“Anti-money laundering” - AML) tirreferi għall-attivitajiet li jwettqu l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiksbu konformità mar-rekwiżiti legali biex jimmonitorjaw b’mod attiv u jirrapportaw attivitajiet suspettużi.

Rapport ta’ Analiżi

Ladarba l-Bejjiegħ jirċievi l-NBOs mingħand l-Investituri tal-Fażi 1, il-Bejjiegħ iqabbilhom u janalizzahom, u dan jirriżulta f’Rapport ta’ Analiżi tal-NBOs. Dan jappoġġa lill-Bejjiegħ fl-għażla tal-lista mqassra tal-offerenti rilevanti, li mbagħad jistgħu jgħaddu għall-Fażi 2. Ladarba l-Bejjiegħ jirċievi l-BOs mingħand l-Investituri tal-Fażi 2, il-Bejjiegħ jerġa’ jqabbilhom u janalizzahom, u dan jirriżulta f’Rapport ta’ Analiżi tal-BOs.

Tipi ta’ Rkant

Il-Bejjiegħ jista’ jagħżel Tip ta’ Rkant għall-bejgħ maħsub tal-NPL. Lista ta’ Tipi ta’ Rkant użati b’mod komuni hija mehmuża bħala Anness 4 għal dawn il-Linji Gwida.

Rapport tal-AUP

Ir-Rapport dwar il-proċeduri miftiehma (AUP) huwa parti mid-Diliġenza Dovuta tal-bejjiegħa li għandha tiġi pprovduta lill-investituri. L-impenji tal-AUP jinvolvu prattikant li jwettaq proċeduri speċifikati li jkunu ġew maqbula mill-prattikant, mill-Bejjiegħ u minn kwalunkwe parti terza xierqa. Abbażi tas-sejbiet fattwali ta’ tali sforzi ta’ Diliġenza Dovuta, jitħejja Rapport dwar l-AUP mill-prattikant u dan jiġi kondiviż ma’ dawk il-partijiet li qablu mal-proċeduri.

BO

L-Offerta Vinkolanti li għandha tiġi sottomessa mill-Investituri tal-Fażi 2.

Data tal-BO

L-iskadenza stabbilita mill-Bejjiegħ sabiex jirċievi BO mingħand l-Investituri tal-Fażi 2.

Linji Gwida tal-BO

Linji gwida bil-miktub ipprovduti mill-Bejjiegħ lill-Investituri tal-Fażi 2 li jagħtu dettalji dwar il-forma u l-kontenut tal-BO.

Irkant Wiesa’

Irkant Wiesa’ huwa Proċess tipiku ta’ żewġ Fażijiet, fejn lista kbira ta’ investituri jiġu mistiedna jissottomettu NBO indikattiva. Wara dan l-ewwel stadju tal-irkant, jitmexxa proċess ta’ Diliġenza Dovuta b’lista mqassra ristretta ta’ investituri, li jiġu mistiedna jissottomettu BO finali. Wara dan it-tieni stadju tal-irkant, jintgħażel Offerent Ippreferut, li miegħu l-Bejjiegħ jidħol fin-negozjati tal-LSPA u potenzjalment ta’ ftehimiet ta’ tranżazzjoni addizzjonali. Il-Linji Gwida jirrappreżentaw proċess ta’ Rkant Wiesa’.

Għeluq

Id-data li fiha t-tranżazzjoni tal-NPL tkun magħluqa legalment u normalment id-data li fiha jitħallas il-prezz tax-xiri u s-sjieda tal-NPLs tiġi ttrasferita lill-Akkwirent.

Data Limitu

Il-Bejjiegħ normalment jiddetermina u jikkomunika lill-Investituri tal-Fażi 2 Data Limitu li minnha “l quddiem ir-rikavati fir-rigward tal-NPLs ikunu dovuti lill-Akkwirent.

NPLs Difettużi

NPLs li jew ma jissodisfawx il-Kriterji ta’ Eliġibbiltà kollha jew inkella jissodisfaw mill-inqas Kriterju wieħed ta’ Esklużjoni.

Kwalifikatur tad-Divulgazzjoni

Il-Bejjiegħ jista’ jikkwalifika ċerti Rappreżentazzjonijiet u Garanziji (Representations and Warranties, R&Ws) għad-divulgazzjoni, eżempju jista’ jkun: ‘Bejjiegħ jiggarantixxi li t-titoli kollha jkunu ipoteki tal-ewwel grad, sakemm ma jkunx debitament divulgat mill-Bejjiegħ (f’forma li tista’ tiġi evidenzjata mill-Bejjiegħ) lill-Akkwirent sa [id-data tal-aħħar divulgazzjoni].’

Diliġenza Dovuta u Dokumentazzjoni tad-Diliġenza Dovuta

Matul Diliġenza Dovuta, il-bejjiegħ normalment jipprovdi b’mod legalment konformi aċċess fiżiku jew virtwali għad-Dokumentazzjoni tad-Diliġenza Dovuta rilevanti li abbażi tagħha esperti legali u operazzjonali tal-Investituri tal-Fażi 2 jistgħu jirrieżaminaw u jivverifikaw il-kwalità u d-disponbbiltà tad-dokumenti, jivvalidaw is-suppożizzjonijiet li saru fl-ipprezzar u jivvalutaw ir-rekwiżiti R&W għal-LSPA.

Kriterji ta’ Esklużjoni jew Kriterji ta’ Eliġibbiltà

Il-Kriterji ta’ Eliġibbiltà huma kriterji miftiehma fl-LSPA li kollha jridu jiġu ssodisfati minn kull NPL mibjugħ. Il-Kriterji ta’ Esklużjoni huma kriterji miftiehma fl-LSPA li l-ebda wieħed mill-NPLs mibjugħa (ma għandu) jissodisfa.

Fornituri Esterni tas-Servizzi

Il-Fornituri Esterni tas-Servizzi huma fornituri ta’ servizzi li joffru appoġġ ġenerali lil Bejjiegħ għal proċess ta’ bejgħ tal-NPL, inklużi Konsulenti Finanzjarji, Konsulenti Tekniċi, Pjattaformi tat-Tranżazzjonijiet u fornituri tal-VDR. Aktar informazzjoni dwar kategoriji speċifiċi ta’ fornituri esterni tas-servizzi tista’ tinstab fl-Anness 3.

Memorandum ta’ Informazzjoni

Il-Memorandum ta’ Informazzjoni jipprovdi preżentazzjoni qasira tal-karatteristiċi ewlenin tal-NPLs li għandhom jinbiegħu.

Marġni Kummerċjali tal-Investitur fl-LSPA

Marġni kummerċjali tal-abbozz ta’ Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri ta’ Self (LSPA) ipprovdut minn Investitur tal-Fażi 2 fil-Fażi 2, normalment ikkonsenjat fid-Data tal-BO.

KYC

L-istandards kun af il-klijent tiegħek (‘know your customer’ jew ‘know your client’ - KYC) jintużaw fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, filwaqt li jistipulaw ir-rekwiżiti biex jiġu vverifikati l-identità, l-adegwatezza u r-riskji involuti fiż-żamma ta’ relazzjoni kummerċjali. Il-proċeduri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-politika kontra l-ħasil tal-flus (AML).

Silta tad-Data dwar is-Self

Is-Silta tad-Data dwar is-Self tindika fajl elettroniku jew sett ta’ fajls li jkopru d-data dwar il-prodott ta’ self mis-sistemi ta’ ditta finanzjarja. Dan jista’ jitqies bħala stampa ta’ darba ta’ subsett ta’ informazzjoni dwar il-portafoll ta’ kreditu ta’ Bejjiegħ. Din tinkludi l-informazzjoni pprovduta mill-Bejjiegħ matul il-Fażi 2 lill-investituri tal-Fażi 2.

LSPA

Il-Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri ta’ Self, xi drabi msejjaħ ukoll il-Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri jew il-Ftehim dwar il-Bejgħ ta’ Dejn. Fil-Linji Gwida, se tintuża l-abbrevjazzjoni LSPA.

Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA

Dokument dwar il-kundizzjonijiet ta’ mhux aktar minn 2-4 paġni, li jinkludi t-termini ewlenin tal-LSPA (eż. struttura tat-tranżazzjoni prevista, R&Ws tal-Bejjiegħ, reġim ta’ responsabbiltà), li fuqhom il-Bejjiegħ irid jikseb il-feedback tal-investituri kmieni matul il-proċess, eż. fil-Fażi 1.

Laqgħa tal-Ġestjoni

Laqgħa(t) offruti mill-Bejjiegħ lill-Investituri tal-Fażi 2 li fiha l-Investituri tal-Fażi 2 jirċievu informazzjoni ta’ sfond dwar l-NPLs li għandhom jinbiegħu u spjegazzjonijiet tal-attivitajiet ta’ workout jew ta’ qabel l-ipproċessar u fejn l-Investituri tal-Fażi 2 jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lill-impjegati tal-Bejjiegħ li għandhom għarfien profond tal-NPLs li għandhom jinbiegħu, kif ukoll azzjonijiet ta’ workout minn qabel.

Bejgħ Innegozjat

Il-Bejgħ Innegozjat huwa proċess bilaterali li jinvolvi investitur potenzjali wieħed. Minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni, il-passi ewlenin (bid-dokumentazzjoni rilevanti kondiviża) u l-eżitu tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni jvarjaw b’mod sinifikanti mill-Irkant Wiesa”.

NBO

L-Offerta Mhux Vinkolanti, jiġifieri offerta indikattiva sottomessa minn Investitur tal-Fażi 1, jiġifieri offerta li ma hijiex legalment vinkolanti fuq l-offerent.

Data tal-NBO

L-iskadenza stabbilita mill-Bejjiegħ sabiex jirċievi NBO mingħand l-Investituri tal-Fażi 1.

Ftehimiet ta’ Nondivulgazzjoni (NDAs)

Ftehim ta’ Nondivulgazzjoni huwa ftehim ta’ kunfidenzjalità ffirmat mill-Bejjiegħ u mill-investituri interessati. Fl-NDA, jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom il-Bejjiegħ ikun lest jikkondividi informazzjoni kunfidenzjali. L-investituri jeħtieġ li jiffirmaw il-ftehim qabel ma jiksbu aċċess għad-data rilevanti u jibdew id-Diliġenza Dovuta.

Self li ma jrendix (NPLs)

Self bankarju jitqies li ma jrendix meta jkun hemm indikazzjonijiet li l-mutwatarju x’aktarx li ma jħallasx lura s-self (b’hekk, is-subkategorija ta’ “x’aktarx li ma jħallasx” (“unlikely to pay” - UTP)), jew jgħaddu aktar minn 90 jum mingħajr ma l-mutwatarju jħallas il-pagamenti jew l-imgħax miftiehma.

Fażi 1 = Fażi ta’ Offerta Mhux Vinkolanti

Il-fażi li fi tmiemha l-Bejjiegħ jistenna li jirċievi NBOs mingħand l-Investituri kollha tal-Fażi 1.

Investitur tal-Fażi 1

Investitur li ġie ammess mill-Bejjiegħ biex jipparteċipa fil-Fażi 1 ta’ proċess tal-bejgħ ta’ NPL.

Fażi 2 = Fażi ta’ Offerta Vinkolanti

Il-fażi li fi tmiemha l-Bejjiegħ jistenna li jirċievi BOs mingħand l-Investituri kollha tal-Fażi 2.

Investitur tal-Fażi 2

Investitur li ġie ammess mill-Bejjiegħ biex jipparteċipa fil-Fażi 2 ta’ proċess tal-bejgħ ta’ NPL.

Data u Dokumenti tal-Fażi 2

Data u dokumenti mħejjija matul il-fażi ta’ tħejjija mill-Bejjiegħ li għandhom jiġu pprovduti lill-Investituri tal-Fażi 2 fil-bidu tal-Fażi 2. Minbarra d-data għal kull selfa fir-rigward tal-NPLs kollha, id-Data u d-Dokumenti tal-Fażi 2 normalment ikun fihom Dokumentazzjoni ta’ Diliġenza Dovuta li għandha tiġi rieżaminata mill-Investituri tal-Fażi 2. Id-Data u d-Dokumenti tal-Fażi 2 għandu jkun fihom ukoll kwalunkwe kost jew tariffa li l-Bejjiegħ jipprevedi li għandu jassumi l-Akkwirent.

Offerent Ippreferut

L-investitur li, fl-opinjoni tal-Bejjiegħ, issottometta l-aħjar BO. Idealment u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-Offerent Ippreferut huwa ugwali għall-Akkwirent.

Ittra ta’ Proċess

Ittra ta’ Proċess hija dokument li juri l-passi tal-proċess tal-bejgħ u l-iskadenzi li għandhom jiġu rrispettati mill-atturi kollha involuti.

Akkwirent

L-investitur li miegħu l-Bejjiegħ jikkonkludi LSPA.

Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet

Proċess li ġeneralment jitwettaq fil-Fażi 2, fejn l-Investituri tal-Fażi 2 jistgħu jagħmlu mistoqsijiet li għandhom jitwieġbu mill-Bejjiegħ.

R&W

Rappreżentazzjonijiet u Garanziji mogħtija f’LSPA, fejn l-R&Ws tal-Bejjiegħ jistgħu jinkludu rappreżentazzjonijiet u garanziji fir-rigward tal-NPLs, it-titoli sottostanti, l-ipproċessar minn qabel eċċ.

Data tat-Tranżizzjoni tas-Servizzjar

Id-data li fiha l-Akkwirent jew is-servizzjant li jaġixxi f’isem l-Akkwirent jieħu f’idejh is-servizzjar tal-NPLs akkwiżiti. Id-Data tat-Tranżizzjoni tas-Servizzjar normalment tkun ugwali għall-Għeluq, iżda tista’ wkoll tkun sussegwenti għall-Għeluq jekk ikun hemm qbil dwar dan bejn il-Bejjiegħ u l-Akkwirent.

Iffirmar

L-iffirmar tal-LSPA finali nnegozjat bejn il-Bejjiegħ u l-Akkwirent u ffirmat mill-Bejjiegħ u mill-Akkwirent. Skont il-kumplessità tat-tranżazzjoni, l-Iffirmar jista’ jew jippreċedi l-Għeluq jew inkella jkun ugwali għalih.

Irkant Immirat

Irkant Immirat huwa proċess kompetittiv simili għall-Irkant Wiesa’, iżda jinvolvi lista iqsar ta’ investituri potenzjali (bejn wieħed u ieħor minn 2 sa 8). Din l-għażla tipikament tippermetti lill-Bejjiegħ ikollu kontroll aħjar fuq il-proċess, filwaqt li jibbenefika minn ambjent li għadu kompetittiv. Dan ġeneralment ikun Proċess ta’ Żewġ Fażijiet, għalkemm f’ċirkostanzi speċifiċi u speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni għolja ta’ ħin, l-ewwel fażi tista’ titħalla barra.

Teaser

Teaser huwa dokument anonimu ta’ kummerċjalizzazzjoni li jkun fih l-isfond ewlieni tat-tranżazzjoni u data fil-qosor dwar l-NPLs li għandhom jitneħħew. Dan jiġbor fil-qosor l-elementi ewlenin tal-opportunità ta’ investiment.

Pjattaformi tat-tranżazzjonijiet

Il-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet huma swieq online li jgħaqqdu x-xerrejja u l-bejjiegħa tal-NPLs u jgħinu fl-organizzazzjoni tal-proċess tal-bejgħ. Dawn jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet tal-NPL billi jipprovdu aċċess għall-investituri u appoġġ teknoloġiku (inkluża VDR). Il-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet joffru li jwettqu rkanti online tal-NPL, fejn il-bejjiegħ jista’ jagħżel it-Tip ta’ Rkant mixtieq.

Diliġenza Dovuta tal-Bejjiegħ

Rieżami mwettaq mill-bejjiegħ, li l-eżitu tiegħu jiġi kondiviż mal-investituri. Diliġenza Dovuta tal-Bejjiegħ tista’, pereżempju, tinkludi: rivalwazzjoni tal-proprjetà immobbli, kontrolli tal-konsistenza tas-Silta tad-Data dwar is-Self, rieżami tad-dokumentazzjoni legali

VDR

Kamra tad-Data Virtwali, li tista’ tintuża mill-Bejjiegħ biex jipprovdi informazzjoni, data u dokumenti lill-investituri kollha fil-Fażi 2 (u fil-Fażi 1, sakemm il-Bejjiegħ ma jistabbilixxix il-VDR biss għall-Fażi 2).

Fornitur tal-VDR

Kumpanija (tat-teknoloġija) li toffri t-twaqqif u l-organizzazzjoni ta’ VDR għal bejgħ ta’ NPL.

SOMMARJU EŻEKUTTIV

Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri u l-osservaturi tal-Bord Konsultattiv tal-NPL tal-Kummissjoni, żviluppat Linji Gwida dwar proċess tal-aħjar eżekuzzjoni għall-bejgħ tal-NPLs fi swieq sekondarji. L-għan ta’ dawn il-Linji Gwida huwa li jinkoraġġixxu proċessi tajbin min-naħa tal-bejgħ u tax-xiri għat-tranżazzjonijiet tal-NPL fis-swieq sekondarji tal-UE u, b’mod partikolari, li jgħinu lill-bejjiegħa u lix-xerrejja li jista’ jkollhom inqas esperjenza fi tranżazzjonijiet fi swieq sekondarji.

Id-dokument huwa bbażat fuq l-aħjar prattiki u jiddeskrivi s-sekwenza tal-attivitajiet ewlenin li għandhom jitwettqu fit-tħejjija tal-proċess ta’ tranżazzjoni kompetittiva. Il-Linji Gwida jiddeskrivu xi prattiki u kundizzjonijiet meqjusa meħtieġa biex jinkiseb eżitu ta’ suċċess. Filwaqt li l-parteċipanti fis-suq ma humiex obbligati jsegwu l-Linji Gwida, huma jipprovdu lill-bejjiegħa u lix-xerrejja tal-NPL bi proċess ċar u strutturat li għandu jippermettilhom jiksbu eżitu ta’ suċċess.

L-istruttura ewlenija tad-dokument issegwi raġunament kronoloġiku. Kull kapitolu ewlieni jiffoka fuq wieħed mill-istadji speċifiċi li għandhom jiġu segwiti matul proċedura ta’ bejgħ. B’mod awtomatiku, tranżazzjoni tas-suq standard hija definita f’dan id-dokument bħala proċess ta’ Rkant Wiesa’ li jinkludi fażijiet multipli b’żewġ stadji ewlenin: Fażi ta’ Offerta Mhux Vinkolanti (Fażi 1) u Fażi ta’ Offerta Vinkolanti (Fażi 2).

It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi sommarju stilizzat tad-dokument, li jkopri l-fażijiet kollha tal-proċess tat-tranżazzjoni. Dan jenfasizza l-attivitajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli ewlenin għal kull fażi. Aktar informazzjoni dwar kull wieħed minn dawn l-elementi tista’ tinstab fil-kapitoli rilevanti fil-korp ewlieni tal-Linji Gwida.

Fażi

Attivitajiet ewlenin

Riżultati ewlenin

Image 1

Il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet legali/tat-taxxa/tal-protezzjoni tal-konsumatur possibbli

Ir-rieżami tas-sistema tal-IT eżistenti sabiex tkun tista’ ssir l-ottimizzazzjoni tal-proċess tal-għażla

Id-definizzjoni tal-perimetru tat-tranżazzjoni/l-għażla tal-portafoll li għandu jinbiegħ

Id-deċiżjoni dwar l-użu ta’ Fornituri Esterni tas-Servizzi u/jew konsulenti esterni oħrajn

Id-determinazzjoni tal-aktar struttura organizzazzjonali effiċjenti u effettiva biex tmexxi l-proċess (jekk rilevanti appoġġata mill-Fornituri Esterni tas-Servizzi)

Kunsiderazzjonijiet oħrajn dwar is-servizzjar, l-immudellar tal-portafoll u l-iffissar tal-“prezz ta’ riżerva”

L-emendi possibbli għas-sistema tal-IT

L-għażla tal-portafoll għall-bejgħ

L-istabbiliment tal-istruttura organizzazzjonali għall-ġestjoni tal-proċess tat-tranżazzjonijiet

Kuntratti ma’ Fornituri Esterni tas-Servizzi (jekk rilevanti/meħtieġa)

Image 2

Id-definizzjoni tal-għadd ta’ fażijiet tal-proċess (jiġifieri, Proċess ta’ Żewġ Fażijiet b’NBOs u BOs, jew Proċess ta’ Fażi Waħda, direttament b’BOs)

L-iffissar tal-iskeda ta’ żmien – inklużi l-passi interni u l-approċċ għas-suq (filwaqt li jitqies l-involviment tal-konsulenti legali u konsultattivi)

It-tħejjija tad-dokumenti ewlenin tal-kummerċjalizzazzjoni (prinċipalment it-Teaser u l-Memorandum ta’ Informazzjoni). Tista’ tkun meħtieġa Preżentazzjoni ta’ Ġestjoni matul id-Diliġenza Dovuta fil-Fażi tal-BO. It-tħejjija tad-dokumenti ewlenin tal-proċess (prinċipalment l-NDA għall-investituri, l-Ittra ta’ Proċess (jekk meħtieġa separatament għall-Fażi 1 u għall-Fażi 2), il-Linji Gwida tal-BO u, jekk rilevanti, il-Linji Gwida tal-NBO)

It-tħejjija tas-Silta tad-Data dwar is-Self u l-irkupru tad-dokumentazzjoni

L-istabbiliment ta’ VDR  (1) (inkluż indiċi dettaljat tal-VDR), sakemm l-analiżi tal-kostbenefiċċji ma tiddiswadix l-użu tal-VDR, speċjalment għal portafolli żgħar

Tħejjija tal-LSPA

VDR tal-investitur (VDR tal-Fażi 1 lesta biex tinfetaħ, VDR tal-Fażi 2 li qed titħejja)

Teaser

Memorandum ta’ Informazzjoni

Abbozz bikri ta’ Preżentazzjoni ta’ Ġestjoni

Abbozz bikri ta’ Ittra ta’ Proċess

Abbozz bikri ta’ LSPA

Silta tad-Data dwar is-Self

Abbozz ta’ NDA

Regoli tal-VDR (għall-Fażijiet 1 u 2)

Image 3

Sondaġġ tas-suq

Definizzjoni tal-aħjar strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni

Negozjar tal-NDAs

Tħejjija tad-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA

Titkompla t-tħejjija tal-materjali tal-proċess u tal-kummerċjalizzazzjoni (eż. preżentazzjoni tal-investituri) għall-Fażi 1 u għall-Fażi 2

Ittra ta’ Proċess

Inventarju tal-materjal ta’ Diliġenza Dovuta

Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA

NDAs iffirmati

Lista twila ta’ investituri

Fakultattivi: Espressjonijiet ta’ interess

Image 4

Il-ġestjoni tal-VDR tal-investitur tal-Fażi 1 (inklużi l-ġestjoni tal-ftuħ, tal-utent u tal-aċċess, ir-rapportar tal-VDR, eċċ.)

(Titkompla) it-tħejjija tad-Data u d-Dokumenti tal-Fażi 2, kif ukoll tal-VDR tal-investitur, jekk applikabbli

Id-divulgazzjoni tal-materjali tal-proċess u tal-kummerċjalizzazzjoni għall-Fażi 1

Id-divulgazzjoni tas-siltiet tad-data (sinifikanti) lill-investituri (permezz tal-VDR)

Il-ġestjoni ta’ Proċess (limitat) ta’ mistoqsijiet u tweġibiet jekk applikabbli minħabba l-kumplessità tal-perimetru u/jew in-numru ta’ offerenti

Analiżi tal-NBOs li ġew sottomessi u kummenti dwar id-Dokumenti dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA, jekk applikabbli

L-għażla ta’ lista mqassra ta’ offerenti biex ikunu ammessi għall-Fażi tal-Offerta Vinkolanti

L-għażla ta’ Tip ta’ Rkant u t-tħejjija tal-irkant

Il-finalizzazzjoni tal-portafoll tal-NPL, li potenzjalment teskludi ċerti NPLs ineliġibbli mill-portafoll (i) jekk ma jkunux jaqblu (aktar) mal-kriterji tal-għażla oriġinali jew (ii) abbażi tat-talba raġonevoli tal-investituri.

VDR tal-investitur (VDR tal-Fażi 2 lesta biex tinfetaħ) jew mezzi oħrajn ta’ kondiviżjoni tad-data mal-investituri

Siltiet tad-Data dwar is-Self (sett sħiħ)

Fakultattivi: Materjali tad-Diliġenza Dovuta tal-Bejjiegħ imħejjija (Rapport tal-AUP, Diliġenza Dovuta legali, eċċ.)

Rapportar tal-VDR (eż. dwar l-attività tal-offerent u l-oqsma ta’ interess)

Tweġibiet għall-mistoqsijiet ibbażati fuq mistoqsijiet u tweġibiet, jekk applikabbli

Rapport ta’ Analiżi tal-NBOs u lista mqassra tal-offerenti

Fakultattivi (jekk mhux inklużi fl-Ittra ta’ Proċess): Abbozz ta’ linji gwida dwar il-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet (għall-Fażi 2)

Image 5

Il-forniment ta’ Data u Dokumenti tal-Fażi 2 lill-Investituri tal-Fażi 2

Il-ġestjoni tal-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet

Fakultattivi: L-organizzazzjoni ta’ Laqgħa(t) tal-Ġestjoni u l-ġbir fil-qosor/il-forniment tal-eżitu lill-Investituri kollha tal-Fażi 2

L-organizzazzjoni tal-irkant

L-analiżi tal-Ittri tal-BO sottomessi u tal-Marġni Kummerċjali tal-Investitur fl-LSPA

L-għażla tal-Offerent Ippreferut/tal-Akkwirent

Fakultattivi: Il-proċess tal-KYC

Il-finalizzazzjoni tal-portafoll tal-NPL, li potenzjalment teskludi ċerti NPLs ineliġibbli mill-portafoll (i) jekk ma jkunux jaqblu (aktar) mal-kriterji tal-għażla oriġinali jew (ii) abbażi tat-talba raġonevoli tal-investituri

L-għoti ta’ Informazzjoni dwar il-Proċess lill-Investituri tal-Fażi 2

L-għoti ta’ abbozz tal-LSPA lill-Investituri tal-Fażi 2

L-għoti ta’ Linji Gwida tal-BO lill-Investituri tal-Fażi 2

Preżentazzjoni ta’ Ġestjoni Finali

Informazzjoni ġdida jew aġġornata (inkluż kwalunkwe kost b’konnessjoni mal-NPLs jew it-tranżazzjoni li l-Bejjiegħ jixtieq li l-Akkwirent jassumi) li għandha tiġi pprovduta lill-investituri permezz tal-VDR u l-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet

Fakultattivi: Ir-rapporti dwar id-Diliġenza Dovuta tal-Bejjiegħ li għandhom jiġu pprovduti lill-Investituri tal-Fażi 2

Fakultattivi u jekk applikabbli: Ir-rapportar tal-VDR (eż. dwar l-attività tal-offerent u l-oqsma ta’ interess)

Ir-Rapport ta’ Analiżi tal-BO u l-għażla tal-Offerent Ippreferut

Image 6

Il-ġestjoni ta’ ħruġ bla xkiel mill-portafoll ladarba jitlesta l-bejgħ tal-NPL, fost l-oħrajn billi jiġu definiti l-attivitajiet ta’ wara l-bejgħ tal-Bejjiegħ u tal-Akkwirent

L-eżekuzzjoni tal-LSPA u, jekk applikabbli, dokumentazzjoni ulterjuri tat-tranżazzjonijiet

Għeluq finanzjarju

Il-finalizzazzjoni tat-tħejjija tat-trasferiment tad-data u tad-dokumenti

In-negozjar u l-qbil fuq it-tranżizzjoni tas-servizzjar tal-NPL mis-servizzjant li qed jaġixxi bħalissa għall-Akkwirent jew għas-servizzjant tiegħu

Il-kontabilità tat-tranżazzjoni

Mal-Għeluq: Proċess ta’ migrazzjoni: it-trasferiment tal-NPLs u tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti lill-Akkwirent biex jiġi żgurat onboarding mingħajr xkiel.

Arkivji tal-VDR

LSPA finali

Image 7

It-twettiq u l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ wara l-Għeluq skont l-LSPA.

Il-kooperazzjoni bejn il-bejjiegħ u l-Akkwirent kif prevista fl-LSPA u, jekk applikabbli, fuq bażi ad hoc jekk iseħħu problemi jew jekk isiru meħtieġa azzjonijiet mhux previsti.

 

INTRODUZZJONI

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal reċessjoni ekonomika qawwija fl-UE u madwar id-dinja. Minkejja skemi vasti ta’ appoġġ implimentati mill-gvernijiet, il-banek huma esposti għal kumpaniji u individwi li saru finanzjarjament aktar vulnerabbli, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-indirizzar kmieni kemm jista’ jkun ta’ akkumulazzjoni mġedda tal-NPLs fuq il-karti bilanċjali tal-banek huwa lezzjoni ewlenija mill-aħħar kriżi ekonomika. F’dan il-kuntest, huma meħtieġa aktar miżuri strutturali biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-NPLs fuq il-karti bilanċjali tal-banek bħala riżultat tal-pandemija li għaddejja u l-effetti relatati.

Sabiex il-banek jingħataw għodda oħra biex jiffaċċjaw sfidi għar-riskju ta’ kreditu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni ddeskriviet azzjoni mmirata biex ittejjeb is-swieq sekondarji għall-NPLs fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha ta’ Diċembru 2020 dwar “L-indirizzar tal-NPLs wara l-pandemija tal-COVID-19”. L-iżvilupp ulterjuri ta’ swieq sekondarji għal dejn moruż huwa wieħed mill-oqsma ta’ politika ewlenin f’dan ir-rigward. Suq sekondarju profond u likwidu għal assi f’diffikultà madwar l-UE jippermettu aħjar lill-banek inaqqsu l-NPLs tagħhom billi jbigħuhom lil investituri terzi. Jekk il-banek ikunu f’qagħda aħjar li jneħħu l-assi li ma jrendux minn fuq il-karta bilanċjali tagħhom permezz ta’ swieq sekondarji, dan jgħin lill-banek jiffokaw fuq l-attivitajiet ta’ self tagħhom, joħolqu spazju fil-karti bilanċjali tagħhom għal self ġdid u, b’hekk, ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-irkupru ekonomiku (2). Għandhom jiġu mħeġġa d-dħul u l-parteċipazzjoni aktar faċli fis-suq, speċjalment għal bejjiegħa u akkwirenti iżgħar li jistgħu jkunu kruċjali għar-riżoluzzjoni tal-NPL fil-livell lokali.

Hekk kif bdew jinħassu r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19, l-attività tan-negozjar tal-NPL fil-bidu naqset b’mod sinifikanti, iżda reċentement reġgħet qabdet il-pass. Meta l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali jitneħħew gradwalment, huwa probabbli li l-insolvenzi jistgħu jiżdiedu u li l-karti bilanċjali tal-banek jistgħu jiġu affettwati minn dan l-istress. Il-banek għandhom ikunu lesti jidentifikaw id-diffikultajiet għad-debituri kmieni, jinvolvu ruħhom b’mod proattiv mal-mutwatarji tagħhom fil-ħin u jikkunsidraw ristrutturar xieraq meta jkun meħtieġ (3). Fil-każ li bejgħ ta’ (portafolli ta’) NPLs lil investituri terzi jitqies bħala approċċ xieraq, il-banek għandhom ikunu lesti jwettqu proċess ta’ tranżazzjoni effiċjenti u effettiv, li jwassal għall-aħjar eżitu possibbli. Dan jirriżulta fi prezz aħjar għall-NPLs, mibjugħa lil akkwirent ta’ reputazzjoni tajba li jiżgura l-konformità mal-liġijiet, inkluża l-protezzjoni tal-konsumaturi.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ħabbret fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha li se tiżviluppa gwida għall-bejjiegħa tal-NPLs, f’kooperazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA) u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tippubblika l-Linji Gwida dwar proċess tal-aħjar eżekuzzjoni għall-bejgħ tal-NPLs fi swieq sekondarji. L-għan ta’ dawn il-Linji Gwida huwa li jinkoraġġixxu proċessi tajbin min-naħa tal-bejgħ u tax-xiri għat-tranżazzjonijiet tal-NPL fis-swieq sekondarji tal-UE u, b’mod partikolari, li jgħinu lill-bejjiegħa u lix-xerrejja li jista’ jkollhom inqas esperjenza fi tranżazzjonijiet fi swieq sekondarji. Il-Linji Gwida jistgħu jwasslu għal għadd ta’ benefiċċji għas-swieq sekondarji tal-UE, billi jippermettu aktar standardizzazzjoni tal-proċessi, iżidu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-iskeda ta’ żmien tat-tranżazzjonijiet, u jtejbu l-prattiki tas-suq fl-Istati Membri, b’mod partikolari fejn is-swieq sekondarji huma inqas żviluppati.

Dan id-dokument jiġbor fil-qosor l-aħjar prattiki li jsegwu s-sekwenza tal-attivitajiet ewlenin li għandhom jitwettqu fit-tħejjija tal-proċess kompetittiv tat-tranżazzjonijiet. Matul il-fażijiet differenti kollha, il-Linji Gwida jipprovdu suġġerimenti ċari dwar x’jikkostitwixxi approċċ effiċjenti u effettiv. Id-dokument juri fid-dettall il-proċess ewlieni u l-materjali li jiġu pprovduti lill-investituri esterni fi tranżazzjonijiet standard tas-suq. Meta titqies l-importanza sinifikanti tal-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni rilevanti, il-Linji Gwida jinkludu suġġerimenti speċifikament dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-divulgazzjoni fil-fażijiet rispettivi.

Il-Linji Gwida jiddeskrivu xi prattiki u kundizzjonijiet meqjusa meħtieġa biex jinkiseb eżitu ta’ suċċess. Il-banek (bħala bejjiegħa tal-NPLs) huma l-udjenza fil-mira ewlenija u, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet iżgħar li għandhom inqas esperjenza fit-tneħħija tal-NPLs fi swieq sekondarji. Madankollu, il-Linji Gwida jirriflettu wkoll il-perspettiva ta’ banek akbar, minħabba li dan id-dokument jista’ jsir standard tal-prattika tas-suq għall-bejjiegħa kollha tal-NPLs. Lil hinn mis-settur bankarju, il-Linji Gwida jistgħu jipprovdu wkoll dokument ta’ referenza għal istituzzjonijiet oħrajn li jinvolvu ruħhom fil-bejgħ tal-NPLs.

Il-parteċipanti fis-suq ma humiex obbligati jsegwu l-Linji Gwida. Dawn huma pjuttost maħsuba biex jappoġġaw lill-bejjiegħa u lix-xerrejja tal-NPLs biex isegwu deskrizzjoni ċara u strutturata tal-proċess li tippermettilhom jaslu għal eżitu ta’ suċċess. B’mod partikolari, il-Linji Gwida jinkludu indikazzjonijiet dwar passi speċifiċi li jistgħu jieħdu l-bejjiegħ u x-xerrej biex itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-proċess. Il-Linji Gwida jindikaw ukoll ċerti passi li huma aktar importanti għal tip speċifiku (u f’ċerti każijiet daqs speċifiku) ta’ tranżazzjoni u/jew klassi ta’ assi.

Fir-rigward tat-tipi ta’ tranżazzjonijiet, il-Linji Gwida jkopru l-bejgħ dirett ta’ portafolli (kbar) tal-NPL u jagħmlu referenza għal tranżazzjonijiet (kbar) b’isem wieħed (4). Kemm is-self mhux garantit kif ukoll dak garantit huma kkunsidrati, inklużi l-kategoriji ta’ NPL li ġejjin:

Proprjetà immobbli residenzjali (“residential real estate” - RRE) garantita: teħtieġ ħafna kontrolli u dokumentazzjoni xierqa hija essenzjali.

Proprjetà immobbli kummerċjali (“commercial real estate” - CRE) garantita: eteroġenja ħafna fin-natura tagħha, b’karatteristiċi differenti skont il-post, id-daqs, l-industrija, l-użu, eċċ.

Skoperturi ta’ Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): jeħtieġu enfasi qawwija fuq il-valwazzjoni tal-kollateral, l-analiżi tal-fluss tal-flus u l-użu ta’ metodi statistiċi u kampjunar.

Konsumatur mhux garantit: il-portafolli huma tipikament magħmula minn skoperturi żgħar.

Kumpanija mhux garantita: timplika Diliġenza Dovuta aktar qawwija.

Lokazzjoni: għandha karatteristiċi u speċjalizzazzjoni partikolari (5).

Dan ta’ hawn fuq jimplika li l-NPLs huma prodott “speċjali”. Il-bejgħ tal-NPL spiss ikun speċifiku ħafna għall-portafoll. Għalhekk, l-istandardizzazzjoni tal-proċess kompletament ma tkunx possibbli u ma hijiex l-objettiv tal-Linji Gwida.

L-istruttura ewlenija tad-dokument issegwi raġunament kronoloġiku. Kull kapitolu ewlieni jiffoka fuq wieħed mill-passi speċifiċi li għandhom jiġu segwiti matul proċedura tal-bejgħ. Iż-żewġ strateġiji standard alternattivi ewlenin għat-twaqqif ta’ proċess kompetittiv huma Rkant Immirat u Bejgħ Innegozjat. Il-Linji Gwida jelaboraw fuq dawn iż-żewġ strateġiji alternattivi kif rilevanti u l-implikazzjonijiet possibbli tagħhom, jekk jintgħażlu. Il-Linji Gwida jirrappreżentaw proċess ta’ Rkant Wiesa’, li huwa Proċess tipiku ta’ 2 Fażijiet.

Dan id-dokument ġie żviluppat mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri u l-osservaturi tal-Bord Konsultattiv tal-NPL tal-Kummissjoni. Is-sħubija ta’ dan tal-aħħar tista’ tinstab fl-Anness 1.

1.   Strutturar tat-tranżazzjonijiet: Għażla tal-portafoll

1.1.   Attivitajiet ewlenin

L-għażla tal-portafoll tistabbilixxi l-pedament għal tranżazzjoni ta’ suċċess. Huwa essenzjali li jintgħażel portafoll kummerċjabbli li jikkonforma mal-miri strateġiċi interni u li jattira d-domanda tal-investituri. Involviment bikri tal-ġestjoni superjuri matul il-proċess tal-għażla tal-portafoll iżid iċ-ċertezza tal-eżekuzzjoni, li hija importanti kemm għall-Bejjiegħ kif ukoll għall-Akkwirent. Portafoll kummerċjabbli u magħżul tajjeb inaqqas ir-riskju ta’ eżekuzzjoni, u b’hekk jevita l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi mill-partijiet kollha involuti.

L-attivitajiet ewlenin f’din l-ewwel fażi huma dawn li ġejjin:

Valutazzjoni tar-restrizzjonijiet legali/tat-taxxa/tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Rieżami tas-sistema tal-IT eżistenti biex ikun jista’ jiġi ottimizzat il-proċess tal-għażla.

Definizzjoni tal-perimetru tat-tranżazzjoni/l-għażla tal-portafoll li għandu jinbiegħ.

Deċiżjoni fuq (i) l-użu ta’ riżorsi interni vs Fornituri Esterni tas-Servizzi, sakemm dejjem ikun meħtieġ ċertu livell ta’ riżorsi interni (6); u (ii) Definizzjoni tal-aktar struttura organizzazzjonali effiċjenti u effettiva biex jitmexxa l-proċess.

L-irfinar ta’ kunsiderazzjonijiet oħrajn dwar is-servizzjar, l-immudellar tal-portafoll u l-iffissar tal-“prezz ta’ riżerva”.

Sabiex jiġi ottimizzat il-proċess tal-għażla u jiġu evitati kostijiet għoljin għall-validazzjoni tad-data, għar-rikonċiljazzjoni tad-data u għall-bidliet manwali li jieħdu ħafna żmien, is-sistema tal-IT eżistenti għandha tiġi rieżaminata u aġġustata, jekk ikun meħtieġ. Aktar ma tranżazzjoni tkun kumplessa, aktar ikun probabbli li t-tfassil tal-istruttura organizzazzjonali interna ta’ Bejjiegħ bħala proġett ikun rakkomandat, sakemm dan jippermetti allinjament aħjar tal-partijiet ikkonċernati interni kollha fi tranżazzjoni u monitoraġġ aktar mill-qrib tal-progress tat-tranżazzjoni.

L-għażla tal-portafoll għandha rwol importanti fi kwalunkwe tranżazzjoni, billi l-għażla t-tajba ta’ portafoll hija essenzjali għal eżekuzzjoni b’suċċess. Il-proċess tal-għażla tal-portafoll jeħtieġ li jkun jirrifletti r-rekwiżiti u l-miri strateġiċi tal-Bejjiegħ u fl-istess ħin jattira t-talbiet tal-investituri, li mhux bilfors jistgħu jkunu allinjati mal-Bejjiegħ. L-għanijiet tal-Bejjiegħ jistgħu jkunu xprunati minn bidliet fl-istrateġija, pressjoni regolatorja, u/jew bidliet fil-predispożizzjoni għar-riskju. Filwaqt li l-Bejjiegħ jista’ jkollu l-aspettattivi li jbigħ skoperturi aktar kumplessi bi prezz għoli, dawn l-għanijiet jista’ jkollhom bżonn jiġu aġġustati minħabba li l-investituri għandhom aspettattiva ta’ rendiment u kalkolu tal-kostijiet differenti għall-istrateġiji ta’ tħaddim għall-NPLs offruti. Id-deċiżjoni li jinbiegħu jew li jinżammu biex jibbenefikaw minn vantaġġ ulterjuri hija prinċipalment xprunata minn fehmiet interni fl-organizzazzjoni tal-Bejjiegħ (il-valur tal-irkupru nett mill-kostijiet tal-infurzar flimkien mal-effett ta’ P&L għal segmenti differenti tan-negozju tal-klijenti) kontra l-fehma pperċepita tas-suq (applikabbli għal portafoll jew biljett wieħed).

Il-proċess tal-għażla tal-portafoll jista’ jkollu bżonn ukoll li jeskludi l-assi, li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu infurzati kontra mutwatarju u/jew biex jiġu assenjati lil parti terza jew li huma speċifikament immarkati fil-portafoll. Eżempju tajjeb huwa skoperturi bi drittijiet ta’ partijiet terzi, jew dawk li b’xi mod ieħor huma aggravati, bħal garanziji. F’każijiet bħal dawn, spiss ikun diffiċli jew improbabbli li jinkiseb il-kunsens meħtieġ sabiex l-assi jiġi ttrasferit mill-benefiċjarju. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn, pereżempju, xi skopertura tal-mutwatarju, bħal self b’terminu, tista’ tiġi ttrasferita lill-Akkwirent, filwaqt li l-iskoperturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema se jibqgħu f’idejn il-bank. Dan juri wkoll kemm huwa importanti li t-tim tat-tranżazzjonijiet (jekk ikun separat mit-tim tal-workout) iżomm djalogu miftuħ mal-uffiċjali tal-workout rispettivi.

Ta’ min jinnota li l-portafoll xorta jista’ jgħaddi minn bidliet aktar tard fil-proċess, fost l-oħrajn, il-pretensjonijiet ineliġibbli raġonevoli se jiġu esklużi malli jkunu detetti. Matul il-Fażi 1 u l-Fażi 2, il-Bejjiegħ ikompli jivverifika l-NPLs, filwaqt li jivverifika jekk ċertu self għandux jiġi eskluż mill-portafoll finali, f’konformità mal-Kriterji tal-Eliġibbiltà u mal-Kriterji tal-Esklużjoni. L-Offerent Ippreferut (li eventwalment/idealment ikun ukoll l-Akkwirent fil-biċċa l-kbira tal-każijiet) jista’ ugwalment jitlob li jiġu esklużi xi NPLs. Fuq din il-bażi, il-portafoll huwa ffinalizzat. Kronoloġikament, dan l-approċċ jinvolvi l-passi li ġejjin:

L-applikazzjoni tal-kriterji tal-għażla ewlenin (it-tip, il-kontroparti, l-istatus, id-daqs, il-ġeografija, eċċ.);

L-esklużjoni ta’ self mhux trasferibbli (7); u

L-esklużjoni tas-self skont in-negozjar bejn il-Bejjiegħ u l-Akkwirent.

1.2.   Valutazzjoni tar-restrizzjonijiet legali/tat-taxxa/tal-protezzjoni tal-konsumatur

Qabel il-kompożizzjoni u l-bejgħ ta’ portafoll tal-NPL, hemm diversi kontrolli legali li għandhom jiġu ċċarati li jvarjaw f’pajjiżi differenti:

Huwa permess li jinbiegħ is-self lil parti terza (eż. segretezza bankarja, kundizzjonijiet speċjali tas-self, eċċ.) u x’inhuma r-rekwiżiti għall-parti terza (kif preskritti mil-liġi lokali li timplimenta d-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u l-akkwirenti tal-kreditu (8))?

Huwa permess li tiġi kondiviża data ma’ partijiet terzi u liema data tista’ tiġi kondiviża u liema le jew biss bi Ftehim dwar l-Ipproċessar tad-Data (9)?

Huwa meħtieġ li tintalab awtorizzazzjoni minn kwalunkwe korp regolatorju, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjoni prevista (kif ukoll l-istipulazzjonijiet tal-liġi lokali li timplimenta d-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u l-akkwirenti tal-kreditu)?

Hemm xi obbligazzjonijiet fuq il-portafoll minn kuntratt ma’ servizzjant/avukat tas-self kurrenti (eż. tariffi legali, penali, eċċ.) meta jinbiegħ lil parti terza?

Is-self huwa soġġett għal restrizzjonijiet jew jinkludi kumpaniji nnegozjati pubblikament b’restrizzjonijiet speċjali (eż. informazzjoni privileġġjata, impjegati tal-Bejjiegħ, restrizzjonijiet fuq l-assenjazzjoni stipulati mil-liġi)?

Huwa meħtieġ il-kunsens ta’ bank tal-iżvilupp pubbliku/tal-Istat (eż. Finnreva, KfW) meta jsir bejgħ lil parti terza?

X’inhuma l-implikazzjonijiet tat-taxxa skont il-ġuriżdizzjoni tal-Bejjiegħ?

Jekk il-kuntratti sottostanti għall-NPLs ikunu ġew itterminati (“self iddenunzjat”), ġeneralment l-iskopertura kollha tkun fuq talba u dovuta bis-sħiħ bil-quddiem, sabiex b’hekk il-bejgħ dirett ikun possibbli. Madankollu, għall-iskoperturi tas-subkategorija tal-NPL ta’ “x’aktarx li ma jħallasx” (UTP), is-sitwazzjoni hija aktar ikkumplikata minħabba li l-kuntratti sottostanti għadhom validi, u kemm ir-riċevibbli kif ukoll il-kuntratti għandhom jiġu kkunsidrati sabiex isir id-disponiment (10).

F’termini tal-iżgurar ta’ protezzjoni xierqa tal-konsumatur, fejn rilevanti, hemm ċerti dmirijiet ta’ informazzjoni legali lokali/nazzjonali lejn il-konsumaturi li jeħtieġ li jiġu vverifikati u rrispettati.

1.3.   Objettivi tal-proċess tal-għażla tal-portafoll

L-għażla tal-portafoll għandha rwol ewlieni fit-tnaqqis tar-riskju ta’ eżekuzzjoni. Il-mitigazzjoni ta’ dan ir-riskju hija kruċjali għal bejgħ effiċjenti u effettiv tal-portafoll tal-NPL u hija wieħed mill-aktar fatturi importanti fit-tranżazzjonijiet għall-Bejjiegħa kif ukoll għall-Akkwirenti. Il-potenzjal ta’ falliment ta’ tranżazzjoni, speċjalment meta l-Bejjiegħ u l-Akkwirent ikunu investew ħin u riżorsi sostanzjali, ma għandux jiġi sottovalutat, u jista’ jwassal ukoll għal kwistjonijiet ta’ reputazzjoni għall-Bejjiegħ u/jew għall-Akkwirent. Meta Bejjiegħ ma jkunx jista’ jeżegwixxi tranżazzjoni, skont il-kawżi speċifiċi, l-investituri jistgħu ma jerġgħux jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet futuri organizzati mill-istess Bejjiegħ. Il-Bejjiegħa li jkunu kkanċellaw it-tranżazzjonijiet fil-passat jistgħu ma jitqisux bħala attraenti/affidabbli bħal oħrajn, billi jistgħu jkunu assoċjati ma’ aktar inċertezza u mar-riskju li jiġu abbandunati t-tranżazzjonijiet għal darb’oħra. L-investituri jippreferu jallokaw ir-riżorsi, il-persunal u l-kapital limitati tagħhom għat-tranżazzjonijiet fis-suq fejn jistennew li jkollhom l-ogħla probabbiltà ta’ eżekuzzjoni u li ma jaħlux ammont potenzjalment sostanzjali ta’ riżorsi finanzjarji kif ukoll riżorsi (interni) oħrajn fuq id-Diliġenza Dovuta. Min-naħa l-oħra, l-Investituri tal-Fażi 1 li jirtiraw mill-proċess wara li jissottomettu NBOs mhux realistiċi jistgħu ma jiġux mistiedna mill-Bejjiegħ fi kwalunkwe tranżazzjoni futura.

Huwa kruċjali li l-għażla tal-portafoll tintuża bħala mezz biex jiġu bbilanċjati l-interessi varji u spiss kunfliġġenti tal-partijiet interessati kollha. Tranżazzjoni ta’ disponiment ta’ portafoll spiss tkun teħtieġ l-involviment ta’ ħafna partijiet ikkonċernati interni differenti, inkluż, għall-inqas, it-tim ta’ ġestjoni tar-relazzjoni tal-NPL, kif ukoll rappreżentanti mill-oqsma tal-Finanzi, tar-Riskju, tal-IT, Legali u tal-Konformità. Għalhekk, il-ġestjoni interna tal-aspettattivi hija importanti biex jinkisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ negozju. Madankollu, meta jitqiesu d-diversi dipartimenti interni involuti, anki proċess imfassal tajjeb u eżegwit tajjeb jista’ jirriżulta fil-konsum ta’ ammonti kbar ta’ riżorsi tal-organizzazzjoni tal-Bejjiegħa. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li jittejbu s-sistemi interni tal-IT, li jiġġenera kostijiet addizzjonali. F’każijiet fejn ikun meħtieġ appoġġ estern għall-konsulenza u l-validazzjoni tad-data, prezzijiet indikattivi, eċċ., il-kostijiet diretti u indiretti totali jistgħu jsiru materjali. Għalhekk, il-Bejjiegħ għandu jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm kostijiet sostanzjali, irrispettivament minn jekk it-tranżazzjoni titlestiex b’suċċess.

Eżempji ta’ fatturi li jistgħu jirriżultaw fi tranżazzjonijiet li ma jitlestewx jinkludu:

In-nuqqas li tinkiseb l-approvazzjoni interna meħtieġa (fost raġunijiet oħrajn) minħabba:

Il-prezzijiet sottomessi jkunu ferm inqas mill-aspettattivi tal-prezzijiet;

Involviment nieqes u/jew inadegwat tal-ġestjoni superjuri; u/jew

Il-ħolqien ta’ fatturi mhux mistennija (pereżempju, kopertura ħażina tal-istampa, bidla fil-leġiżlazzjoni, eċċ.)

Twaqqit dgħajjef tas-suq minħabba nuqqas ta’ interess mill-investituri u/jew l-ebda suq għall-portafoll offrut.

Raġunijiet tekniċi, eż. restrizzjonijiet fuq it-trasferimenti li jimmaterjalizzaw matul il-proċess tat-tranżazzjoni. Ġeneralment, tali restrizzjonijiet ikunu prevedibbli u l-perimetru magħżul ma għandux jinkludi NPLs fejn ikun jeżisti tali riskju.

Lakuni fid-data u/jew kwistjonijiet dwar il-kwalità tad-data, li jħallu impatt negattiv fuq l-ipprezzar u/jew it-trasferiment.

Restrizzjonijiet legali/tat-taxxa għall-bejgħ tal-NPL f’ċerti ġuriżdizzjonijiet, eż. rekwiżiti speċifiċi tal-liċenzja għall-Akkwirenti (li ma għandhomx jibqgħu jeżistu ladarba tkun ġiet implimentata d-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u l-akkwirenti tal-kreditu), prekundizzjoni ta’ rkupru legali qabel kwalunkwe bejgħ, tassazzjoni li tagħmel it-tranżazzjoni kummerċjalment mhux vijabbli, eċċ (11).

Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-fatturi jistgħu jittaffew b’għażla ta’ portafoll ikkunsidrata sewwa u bi proċess ta’ bejgħ irriċerkat/ippjanat sewwa qabel it-tnedija ta’ tranżazzjoni. Għażla ta’ portafoll ibbażata fuq deċiżjoni strateġika kkonfermata mill-ġestjoni superjuri tipikament tikseb approvazzjonijiet rilevanti, billi ġeneralment tkun diġà allinjata mal-għanijiet ta’ ġestjoni u mal-pjan strateġiku tal-bank għad-disponiment tal-NPL. Ir-raġunijiet u l-għanijiet possibbli għat-twettiq ta’ tranżazzjoni huma koperti fl-Anness 2.

Anki jekk ma jkun hemm l-ebda strateġija predefinita jew komprensiva għal programm ta’ bejgħ attiv tal-NPL, l-għażla ta’ portafoll għandha dejjem tkun ibbażata fuq l-għanijiet interni u l-KPIs kumplessivi u tkun konformi mal-linji gwida interni. Huwa importanti li jiġi nnotat li l-miri strateġiċi interni mhux bilfors jeħtieġ li jintlaħqu fuq bażi ta’ każ b’każ. Huwa possibbli li ż-żieda ta’ skoperturi li ma jissodisfawx il-kriterji fuq bażi ta’ isem wieħed xorta tista’ żżid il-valur mal-kummerċjabbiltà kumplessiva tal-portafoll. Pereżempju, jistgħu jiżdiedu mal-portafoll assi li għalihom hemm interess ċar fis-suq, anki jekk dawn ma jissodisfawx l-għanijiet kollha tat-tranżazzjoni. Tali żieda tista’ żżid l-attraenza tal-offerta f’termini assoluti, kif ukoll twessa’ l-bażi tal-investituri, tant li twassal għal prezz ogħla.

L-għażla ta’ portafoll li jissodisfa l-aspettattiva tal-Bejjiegħ hija ċertament prerekwiżit, għalkemm parti waħda biss minn tranżazzjoni b’suċċess. Il-portafoll irid jattira wkoll l-interess tal-investituri u għandu jippermettilhom jilħqu l-aspettattivi tagħhom ukoll. L-intelliġenza tas-suq u s-sondaġġi huma essenzjali biex jittaffa dan il-fattur ta’ riskju. Evidentement, l-għażla ta’ portafoll li jissodisfa r-rekwiżiti/il-kunsiderazzjonijiet tal-Bejjiegħ, iżda li ma jsib l-ebda domanda fis-suq, hija għalxejn. L-arti tal-għażla ta’ portafoll tibbilanċja d-domanda tas-suq mal-objettivi tal-Bejjiegħ intern fil-proċess tal-għażla.

Huwa rrakkomandat li jinħoloq portafoll omoġenju li jimmira għal gruppi ta’ investituri speċifiċi. Barra minn hekk, fil-kompożizzjoni tal-portafoll, għalkemm hemm xi bejgħ ta’ portafolli mħallta, għandu jiġi evitat li jitħalltu wisq klassijiet ta’ assi differenti, billi l-investituri huma fil-biċċa l-kbira speċjalizzati fuq klassijiet ta’ assi speċifiċi. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-investituri qed jiddeċiedu bejn:

Konsumaturi JEW Korporattivi JEW il-Pubbliku;

Garantiti b’assi tanġibbli (eż. proprjetà immobbli, ajruplani, karozzi, eċċ.) JEW Mhux garantiti; u

Falluti JEW Mhux falluti

Huwa rrakkomandat ukoll li jinħoloq portafoll omoġenju tal-NPL fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni, jiġifieri l-għażla tal-NPLs (u idealment anki l-kollateral immobiljari) minn ġuriżdizzjoni waħda biss. L-għadd ta’ investituri se jonqos għal portafolli li jinkludu NPLs minn ġuriżdizzjonijiet differenti u l-portafolli bejn il-pajjiżi jżidu l-kumplessità fir-rigward ta’ diversi parametri tat-tranżazzjoni ppjanata kemm għall-Bejjiegħ kif ukoll għall-Akkwirent (legali, tat-taxxa, tas-servizzjar). Meta jħares lejn il-ġuriżdizzjoni, il-Bejjiegħ għandu jqis:

Fejn huwa effettivament “ipprenotat” l-NPL, jiġifieri f’liema ġuriżdizzjoni jinsab il-bejjiegħ?

Il-liġijiet ta’ liema pajjiż japplikaw għall-kuntratti ta’ self sottostanti?

Fejn jirrisjedu/għandhom is-sede jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom il-mutwatarji (fiż-żmien meta ngħata s-self u bħalissa)?

Fejn jinsab il-kollateral (proprjetà immobbli)?

Kriterju rilevanti ieħor li għandu jiġi kkunsidrat huwa d-daqs u l-prezz potenzjali tax-xiri tal-portafoll. L-investituri jeħtieġ li jinvestu l-ħin u r-riżorsi fil-proċess ta’ Diliġenza Dovuta, li għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tar-redditu potenzjali tagħhom fuq l-investiment. Barra minn hekk, tali investiment jista’ ma jiġi rkuprat xejn fil-każ li parti differenti tirbaħ il-ftehim. Jekk il-portafoll ikun żgħir wisq f’termini ta’ fondi investibbli u r-redditu mistenni jkun baxx wisq, il-kost potenzjali tad-Diliġenza Dovuta jista’ jkun ogħla mir-redditu mistenni fuq il-portafoll offrut jew, il-Bejjiegħ jista’ jkollu jikkunsidra li jipprevedi R&Ws komprensivi fl-LSPA biex jegħleb ir-riskju li ma jippermettix Diliġenza Dovuta u/jew jipprovdi ċans li jsir familjari ma’ portafoll. F’dan il-każ, hemm riskju għoli li ħadd ma jissieħeb fil-proċess jew ma jissottometti offerta. Billi l-kost tad-Diliġenza Dovuta huwa kost mitluf sinifikanti fil-każ li ma jintgħażilx bħala l-Offerent Ippreferut u funzjoni ta’ kumplessità, irid jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn id-daqs, l-R&Ws u l-prezz/ir-redditu tal-portafoll biex jinħoloq interess fis-suq.

1.4.   Aspetti tekniċi tal-proċess tal-għażla ta’ portafoll

Huwa importanti li jitqiesu l-aspetti aktar tekniċi ta’ proċess tal-għażla ta’ portafoll. Is-sistemi tal-IT fil-banek spiss ma jkunux imfassla speċifikament għall-iżvestiment tal-portafoll, billi tali sistemi ġeneralment ikunu mfassla biex jappoġġaw il-proċess ta’ workout intern u lill-uffiċjal tat-tħaddim fil-kompiti ta’ kuljum tiegħu. Bank joffri diversi prodotti lill-klijenti tiegħu u jeħtieġ li jiddivulga ammont materjali ta’ informazzjoni kontabilistika u regolatorja b’mod predominanti fuq livell ta’ skopertura ġenerali. Madankollu, il-mudell kummerċjali ta’ bank fil-kuntest tal-portafoll bankarju ġeneralment ma jkunx immirat lejn ix-xiri u l-bejgħ frekwenti tal-assi. Is-sistema tal-IT ta’ bank ma hijiex imfassla għal tranżazzjonijiet frekwenti. Din ġeneralment tkun tirrifletti l-fehma tal-iskopertura billi din hija importanti għall-bank. Dawn mhux bilfors ikunu jirriflettu fehma aktar legali jew kuntrattwali, li tista’ tkun kritika minn perspettiva ta’ tranżazzjoni. Għalhekk, l-għoti ta’ informazzjoni lil investituri potenzjali b’mod adegwat jista’ jkun ta’ sfida għal bank, u l-informazzjoni użata biex jitħejjew Siltiet tad-Data dwar is-Self ġeneralment tkun teħtieġ validazzjoni (it-tħejjija ta’ Silta tad-Data dwar is-Self hija enfasizzata fit-Taqsima 2).

Għal tranżazzjonijiet ta’ darba, il-validazzjoni u, fejn applikabbli, ir-rimedju tad-data spiss ikunu jistgħu jsiru b’mod manwali. F’każijiet fejn ikunu ppjanati tranżazzjonijiet aktar regolari, jagħmel sens li tittejjeb is-sistema tal-IT biex ikun possibbli proċess aktar effiċjenti. Dan jista’ jinvolvi rieżami tas-sistema tal-IT eżistenti u l-emendar u/jew il-ħolqien ta’ numru ta’ kampijiet (addizzjonali) għall-finijiet ta’ tranżazzjoni. It-titjib fis-sistema tal-IT għandu jippermetti lill-Bejjiegħ jipprovdi data rilevanti dwar il-pożizzjonijiet kollha fil-ħin matul il-proċess tat-tranżazzjoni. Dan inaqqas il-kostijiet tad-Diliġenza Dovuta għall-investituri u jnaqqas il-kostijiet ġenerali tat-tranżazzjonijiet, u b’hekk itejjeb l-ipprezzar.

Approċċ innovattiv b’appoġġ għal tranżazzjonijiet effiċjenti huwa l-implimentazzjoni ta’ kamp speċifiku fis-sistema tal-uffiċċju tan-negozjar li jippermetti lill-uffiċjal tas-self (jew lill-uffiċjal tal-workout) jikklassifika skopertura bħala addattata għall-finijiet ta’ tranżazzjoni. Billi l-maniġers tas-self għandu jkollhom l-aħjar ħarsa ġenerali dwar il-valur ta’ skopertura, huma jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jirrakkomandaw strateġija ta’ tħaddim interna jew strateġija ta’ bejgħ. Għalhekk, dan il-kamp jippermetti lill-maniġers tas-self jikklassifikaw self speċifiku bħala disponibbli u jippermettilhom jiffokaw fuq self li miegħu jkunu jistgħu jżidu aktar valur.

Barra minn hekk, it-tim tal-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet għandu jkun jista’ jiffiltra miri speċifiċi ta’ ġestjoni u jinkludi NPLs li jissodisfaw il-miri ta’ ġestjoni. L-inklużjoni ta’ dawn l-NPLs ġeneralment tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-maniġer tas-self rispettiv. Tali approċċ jippermetti wkoll lit-tim tat-tranżazzjonijiet imexxi aħjar iż-żmien ta’ tranżazzjoni, li jista’ jkun utli f’każ li attwalment ikun hemm wisq bejjiegħa oħrajn attivi fis-suq. Hija għodda sempliċi u b’saħħitha ħafna biex tistabbilixxi funzjoni ta’ ħażna interna. Minħabba li dan il-qasam jintuża b’mod attiv mill-maniġer tas-self, dan jippermetti wkoll allinjament aktar mill-qrib bejn l-uffiċjal tas-self responsabbli u t-tim tat-tranżazzjonijiet.

Meta t-tim tat-tranżazzjonijiet jikkonkludi li jkun intlaħaq daqs suffiċjenti u ż-żmien biex jidħol fis-suq jitqies bħala attraenti, id-data rilevanti mis-sistema tal-uffiċċju tan-negozjar tista’ tittella’ f’sistema użata (u f’ċerti każijiet żviluppata b’mod speċjali) mit-tim tat-tranżazzjonijiet. Is-software jippermetti li ssir analiżi dettaljata tal-portafoll, juri t-tabelli ta’ stratifikazzjoni, jimla l-kampijiet rilevanti, u eventwalment jipproduċi s-Silta tad-Data dwar is-Self. Abbażi tad-data, l-ewwel valutazzjoni ta’ prezz tal-akkwist possibbli se tiġi pprovduta lill-ġestjoni superjuri. Wara l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-proċess tat-tranżazzjoni jkun jista’ jinbeda. Fil-kuntest ta’ portafoll “sempliċi”, b’settijiet ta’ data sħaħ u kompluti u LSPA, il-proċess deskritt hawn fuq jaħdem tajjeb u jista’ jagħti għarfien rapidu dwar portafoll potenzjali u l-impatt rilevanti ta’ bejgħ. F’każ ta’ tranżazzjonijiet akbar jew speċifiċi li ma jsegwux raġunament ċar (raġuni għall-bejgħ) u portafolli assemblati mhux strutturati, taħlit bejn il-klassijiet tal-assi, analiżi dettaljata każ b’każ hija inevitabbli. Ikunu meħtieġa sforzi addizzjonali, speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet organizzazzjonali.

1.5.   Riflessjoni fuq l-użu meħtieġ ta’ riżorsi interni u ħtieġa addizzjonali potenzjali għal appoġġ estern

Qabel ma jħejji l-kompożizzjoni u l-bejgħ tal-portafoll, il-Bejjiegħ għandu jirrifletti fuq ir-riżorsi interni disponibbli għall-attivitajiet ta’ bejgħ ippjanati u l-ħtieġa potenzjali li jiġi ingaġġat Fornitur Estern tas-Servizzi, bħal pjattaforma tat-tranżazzjonijiet (ara wkoll l-Anness 3).

Il-mistoqsijiet li ġejjin jgħinu fil-proċess tad-deċiżjoni:

Il-Bejjiegħ għandu esperti interni li għandhom esperjenza fl-eżekuzzjoni ta’ proċess ta’ bejgħ?

Il-Bejjiegħ għandu aċċess għal bażi tad-data wiesgħa tal-investituri biex jagħżel l-aktar investituri xierqa u kompetittivi għat-tranżazzjoni?

Il-Bejjiegħ jaf x’jistennew l-investituri fil-Proċess ta’ Diliġenza Dovuta?

Il-Bejjiegħ jeħtieġ appoġġ fit-tħejjija tad-data?

Il-Bejjiegħ għandu avukat intern iddedikat jew huwa meħtieġ appoġġ f’termini ta’ pariri legali/dwar it-taxxa għad-dokumentazzjoni (NDA, LSPA)

Il-Bejjiegħ għandu l-kapaċitajiet tekniċi tiegħu stess biex jikkondividi d-data jew huma meħtieġa fornitur tal-VDR jew pjattaforma tat-tranżazzjonijiet?

1.6.   Kwistjonijiet organizzazzjonali

Meta tkun qed tippjana tranżazzjoni, tim intern iddedikat u/jew Fornitur Estern tas-Servizzi huma riżorsi li ta’ min jikkunsidrahom. F’din it-taqsima, l-enfasi ewlenija tinsab fuq aspetti u kunsiderazzjonijiet interni. L-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni b’suċċess ma jistgħux jitħallew biss f’idejn il-Maniġer tas-Self/tal-workout, iżda pjuttost, kif issemma qabel, ikunu jeħtieġu sett ta’ ħiliet minn ħafna dipartimenti u jistgħu jibbenefikaw mir-rwol ta’ faċilitazzjoni ta’ konsulent. L-ammont ta’ xogħol involut ma għandux jiġi sottovalutat. Bl-istess mod, il-valur ta’ network eżistenti ta’ Akkwirenti u l-esperjenza tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet multipli huma importanti ħafna.

Kunsiderazzjoni importanti oħra hija jekk l-objettivi personali ta’ maniġer tas-self/tal-workout jistgħux (jew jidhrux li) ikunu f’kunflitt mal-mira ġenerali tal-ġestjoni fir-rigward tat-tranżazzjoni. Jista’ jkun ikkumplikat li l-għanijiet individwali ta’ maniġer tas-selfa/tal-workout jiġu allinjati mal-għanijiet li jinkisbu bil-bejgħ tal-NPL fis-suq, u b’hekk jitnaqqas l-ammont ta’ xogħol tiegħu/tagħha. Jista’ jkun ukoll il-każ li l-maniġers tas-self/tal-workout jiffaċċjaw tħassib personali li l-bejgħ tal-iskoperturi tagħhom fis-suq jista’ jrendi r-rwol tagħhom żejjed. Għażla waħda biex tittaffa din il-kwistjoni tista’ tkun, simili għall-possibbiltà li jiġi inkluż qasam għall-assi kummerċjabbli fis-sistema tal-IT (ara t-taqsima preċedenti), li jiġu aġġustati l-għanijiet annwali għall-maniġers tas-self/workout biex jinkoraġġixxu lill-uffiċjal tas-self/workout “japprovaw”. Dan wera li huwa metodu ta’ suċċess biex jinċentiva l-identifikazzjoni xierqa u effettiva tas-self għal programm ta’ bejgħ.

L-istabbiliment ta’ tim/dipartiment tat-tranżazzjonijiet iddedikat (u idealment indipendenti) jista’ jiġi rrakkomandat għal ħafna bejjiegħa (jekk ikun ekonomikament effiċjenti) u jkompli jtejjeb l-istruttura organizzazzjonali biex jiġu ffaċilitati u jitmexxew tranżazzjonijiet effettivi tal-NPL. Tali tim speċjalizzat jista’ jibni għarfien dwar is-swieq tal-NPL u esperjenza bid-dinamika tas-suq (f’pajjiżi/ġuriżdizzjonijiet differenti). Dan jippermetti lit-tim jagħti pariri dwar l-għażla ta’ portafoll tal-NPL, il-prezzijiet possibbli tas-suq u l-benefiċċji ekonomiċi tal-bejgħ ta’ portafoll speċifiku. Min-naħa tiegħu, dan jiffaċilita l-approvazzjoni (minn qabel) u l-appoġġ meħtieġa mill-ġestjoni (superjuri) biex jinvolvi ruħu fi tranżazzjonijiet tal-NPL.

Għal tranżazzjonijiet akbar, jista’ jiġi rrakkomandat li t-tranżazzjoni tiġi stabbilita bħala proġett (separat). Il-proġett għandu jitmexxa mit-tim intern tat-tranżazzjonijiet (potenzjalment appoġġat minn Fornituri Esterni tas-Servizzi) għar-raġunijiet deskritti hawn fuq.

Fil-każ ta’ istituzzjonijiet tal-bejgħ akbar, jista’ jiġi rrakkomandat li t-tim tat-tranżazzjonijiet jistabbilixxi uffiċċju tal-ġestjoni tal-proġetti (project management office, PMO), li jikkoordina d-diversi flussi ta’ ħidma, jistabbilixxi folders kondiviżi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-diversi flussi ta’ ħidma, u jorganizza l-komunikazzjoni mal-kumitat ta’ tmexxija. Il-kumitat ta’ tmexxija għandu jinkludi l-maniġers superjuri rilevanti kollha biex jiżgura li dawn ikunu infurmati b’mod konsistenti dwar il-progress fit-tranżazzjoni u biex jallinjahom mal-eżitu xieraq. Dan jgħin biex jittaffa r-riskju li l-approvazzjoni għall-bejgħ tiġi rrifjutata. Fir-rigward tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ flussi ta’ ħidma differenti, il-bejjiegħa ġeneralment ikollhom ċerta flessibbiltà. Madankollu, il-flussi ta’ ħidma ewlenin jeħtieġ li jkunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom u ma għandhomx jiġu mfixkla minn struttura kumplessa żżejjed. Tali proċessi jinkludu l-validazzjoni/ir-rimedju/l-arrikkiment tas-Silta tad-Data dwar is-Self; Id-Data/id-Diliġenza Dovuta (li għandha titmexxa mill-maniġer tas-self/tal-workout), il-Finanzi, il-Kummerċjalizzazzjoni (immexxija minn maniġer tat-tranżazzjoni) u Legali.

Tali struttura, inkluż PMO, tista’ ma tkunx vijabbli għal bejjiegħ iżgħar li jkun irid ibigħ portafoll tal-NPL li jitqies bħala żgħir mis-suq, iżda jkun ta’ daqs konsiderevoli għall-Bejjiegħ. L-analiżi interna mill-Bejjiegħ (iżgħar) għandha tirrifletti fuq l-aktar struttura organizzazzjonali effettiva u kosteffiċjenti, filwaqt li jitqiesu d-daqs u l-kumplessità tal-NPLs li għandhom jinbiegħu.

2.   Fażi ta’ tħejjija

2.1.   Attivitajiet ewlenin

Filwaqt li jibni fuq l-azzjonijiet u r-riflessjonijiet deskritti hawn fuq, il-Bejjiegħ għandu jieħu ħsieb l-attivitajiet ewlenin li ġejjin matul il-fażi ta’ tħejjija:

Id-definizzjoni tan-numru ta’ fażijiet tal-proċess (jiġifieri, Proċess ta’ Żewġ Fażijiet ma’ NBOs u BOs, jew Proċess ta’ Fażi Waħda, direttament mal-BOs)

L-iffissar tal-iskeda ta’ żmien – inklużi l-passi interni u l-approċċ għas-suq (filwaqt li jqis l-involviment tal-konsulenti legali u konsultattivi, kif ukoll iż-żmien biex jieħu ħsieb it-talbiet li jista’ jkollhom l-investituri)

It-tħejjija tad-dokumenti ewlenin tal-kummerċjalizzazzjoni (prinċipalment it-Teaser u l-Memorandum ta’ Informazzjoni). Tista’ tkun meħtieġa Preżentazzjoni ta’ Ġestjoni matul id-Diliġenza Dovuta fil-Fażi 2. It-tħejjija tad-dokumenti ewlenin tal-proċess (prinċipalment l-NDAs tal-investituri, l-Ittra ta’ Proċess (jekk meħtieġa separatament għall-Fażi 1 u għall-Fażi 2), il-Linji Gwida tal-BO u, jekk rilevanti, il-Linji Gwida tal-NBO)

It-tħejjija tas-Silta tad-Data dwar is-Self u l-irkupru tad-dokumentazzjoni

L-istabbiliment tal-VDR (12) (inkluż indiċi dettaljat tal-VDR)

It-tħejjija tal-LSPA

2.2.   L-għadd ta’ fażijiet tal-proċess u l-iskeda ta’ żmien

L-ewwel nett, għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandux isir Proċess ta’ Żewġ Fażijiet jew Proċess ta’ Fażi Waħda skont it-tip ta’ portafoll li għandu jitressaq fis-suq u l-iskadenzi mistennija (eż. jekk it-tip ta’ assi jkun magħruf sew b’fehim tajjeb tal-prezzijiet mistennija, Proċess ta’ Fażi Waħda jista’ jkun ippreferut biex titqassar l-iskeda ta’ żmien). Għandha tiġi definita skeda ta’ żmien, li tinkludi l-passi interni rilevanti kollha u l-objettivi intermedji għall-avviċinament tas-suq, filwaqt li jitqiesu:

1.

Il-konsistenza tal-perkors tal-approvazzjoni, li tirriżulta mid-delega tas-setgħat tal-Bord tad-Diretturi u s-setgħat tal-firmatarji (13);

2.

L-identifikazzjoni tal-lista ta’ investituri possibbli li għandhom jiġu mistiedna. F’każ ta’ disponiment, jeħtieġ li jiġu indirizzati r-rekwiżiti interni kollha ta’ konformità (eż. KYC);

3.

L-identifikazzjoni tal-lista ta’ servizzjanti possibbli li għandhom jiġu mistiedna għal kwalunkwe investitur potenzjalment interessat fl-akkwiżizzjoni, iżda mingħajr ma attwalment ikollu aċċess għal servizzjant);

4.

L-istabbiliment ta’ kuntest ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva biex tinkiseb tensjoni suffiċjenti fil-prezzijiet, kif xieraq; madankollu, fil-każ ta’ portafoll żgħir tal-NPL jew tranżazzjoni b’isem wieħed, il-Bejjiegħ għandu jiżen ukoll iż-żieda fil-kostijiet tat-tranżazzjonijiet u l-isforzi kontra l-possibbiltà ta’ approċċ ta’ negozjar bilaterali;

5.

Id-definizzjoni tad-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet – l-NDA, l-LSPA u d-dokumenti tat-tranżazzjonijiet potenzjalment addizzjonali għandhom jiġu miftiehma mill-funzjonijiet legali interni rilevanti, eventwalment appoġġati minn konsulent legali estern; barra minn hekk, l-LSPA għandu jiġi ffirmat mid-dipartiment tat-taxxa u mill-awdituri.

6.

Kunsiderazzjoni taż-żmien meħtieġ biex jitwettqu d-Diliġenza Dovuta tal-bejjiegħ/ir-rimedju tad-data, biex jitħejjew it-Teaser u l-Memorandum ta’ Informazzjoni u s-Silta tad-Data dwar is-Self.

2.3.   Tħejjija tad-dokumenti ewlenin

L-istituzzjoni għandha mbagħad tħejji d-dokumentazzjoni relatata mal-NPLs u l-materjali kummerċjali. Teaser fih l-isfond ewlieni tat-tranżazzjonijiet u data fil-qosor dwar l-NPLs li għandhom jitneħħew, Ittra ta’ Proċess bil-passi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni u ż-żmien (ara wkoll it-Taqsima 3.4) u Memorandum ta’ Informazzjoni b’aktar informazzjoni dwar l-istruttura tat-tranżazzjoni u l-portafoll tal-NPL. Il-Memorandum ta’ Informazzjoni jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-portafoll tal-NPL fil-mira/tal-iskopertura unika li sservi bħala d-dokument ta’ kummerċjalizzazzjoni primarju fil-proċess tas-sejħa għall-offerti. Dan ikun fih ukoll sommarju eżekuttiv, kunsiderazzjonijiet ta’ investiment, struttura ta’ bejgħ, metodu ta’ offerti, irkupri stmati, eċċ.

F’dawn id-dokumenti, ir-regoli tal-ingaġġ kollha tal-proċess, inklużi l-iskeda ta’ żmien, il-kundizzjonijiet, eċċ. għandhom jiġu ddikjarati b’mod ċar. Għandha tiġi enfasizzata l-importanza ta’ komunikazzjoni ċara u trasparenti fil-fażi inizjali, sabiex jiġi spjegat lill-investituri potenzjali għaliex qed isseħħ it-tranżazzjoni u x’inhuma r-regoli tal-ingaġġ. Inkella dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ftehim u fl-aħħar mill-aħħar jipperikola l-ftehim. Dawn il-fatti mhux vinkolanti ma għandhomx jiġu injorati mill-bejjiegħa, minħabba li jistgħu jimmotivaw lil investitur biex jikkunsidra ftehim.

2.4.   Tħejjija tas-Silta tad-Data dwar is-Self u l-irkupru tad-dokumentazzjoni

Matul din il-fażi, l-istituzzjoni tal-bejgħ għandha tibda tiġbor id-data dwar l-NPLs (u l-kollaterali, jekk applikabbli) tal-portafoll, sabiex toħloq it-Siltiet tad-Data dwar is-Self li jsiru disponibbli għall-investituri. Il-bejjiegħ għandu jħejji Silta tad-Data dwar is-Self li jkopri, bħala minimu, informazzjoni fl-oqsma ewlenin li ġejjin:

l-ammont pendenti totali u d-diżaggregazzjoni fi pretensjoni prinċipali, imgħax, tariffi u kostijiet

id-data tal-oriġinazzjoni

in-natura tal-mutwatarji

l-istatus tal-pretensjoni/il-mutwatarju (eż. insolventi)

id-data tal-inadempjenza u l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda biex tiġi evitata l-preskrizzjoni tal-istatut

il-pagamenti storiċi, idealment fuq bażi ta’ self b’self

l-istatus tal-proċeduri ta’ rkupru u l-irkupri pproġettati (pjan ta’ direzzjoni tan-negozju), jekk disponibbli

l-istatus legali tad-dejn (eż. proċedimenti prelegali, għaddejjin minn proċeduri fil-qorti bħalissa, diġà intitolati u f’azzjonijiet ta’ infurzar (14))

jekk is-self ikun garantit, barra minn hekk: informazzjoni ewlenija dwar il-kollateral, inklużi l-grad tar-rahan, il-fatti tar-reġistru (ammonti rreġistrati), id-drittijiet ta’ partijiet terzi, il-valuri tas-suq miftuħ disponibbli, il-garanziji personali, eċċ. Għas-self CRE, tista’ tkun meħtieġa aktar divulgazzjoni dwar l-istatus tal-kera/okkupanza, ir-rendiment, il-kera grossa tas-suq. Fil-każ ta’ self korporattiv, jista’ jkun meħtieġ li jiżdiedu r-rapporti finanzjarji tal-mutwatarji, eċċ.

Sabiex jinkiseb ipprezzar aktar preċiż tal-portafolli ta’ kreditu, huwa rrakkomandat li jsir sforz biex mhux biss tittieħed stampa tad-data, iżda wkoll tiġi pprovduta xi data storika dwar il-prestazzjoni, speċjalment dwar ir-rati ta’ rkupru. Id-data storika dwar il-prestazzjoni għandha tinkludi l-flussi tal-flus tal-ġbir gross reali (inklużi l-ġbir interim dettaljat u l-informazzjoni dwar flus kontanti fil-qorti) fuq il-portafoll fil-livell tas-self jew tal-mutwatarju flimkien mal-kostijiet proċedurali u l-ispejjeż legali. Id-data storika dwar il-prestazzjoni tista’ tinkludi kurvi ta’ rkupru aggregati li jirriflettu l-esperjenza ġenerali tal-workout tal-istituzzjoni tal-bejgħ. Minħabba r-relazzjoni diżordinata mal-mutwatarju, l-informazzjoni dwar l-istatus legali hija utli ħafna wkoll. Huwa rrakkomandat li titwettaq ukoll Diliġenza Dovuta interna tal-Bejjiegħ biex jiġu vverifikati l-kompletezza u l-korrettezza tal-informazzjoni maħżuna u eventwalment tittejjeb il-kwalità tad-data permezz ta’ rimedju ad hoc. Id-Diliġenza Dovuta tal-bejjiegħ tista’ titwettaq internament jew bl-appoġġ ta’ Fornitur Estern tas-Servizzi (speċjalizzat), li jista’ joffri perspettiva newtrali (u potenzjalment aktar ċara) addizzjonali fir-rigward tal-informazzjoni rilevanti ewlenija li għandha tiġi ddivulgata, li taffettwa prinċipalment il-prezzijiet.

Huwa importanti li jiġi nnotat li l-mudelli standardizzati tal-EBA dwar id-data tal-NPL, li ġew żviluppati għall-ewwel darba fl-2017 biex jgħinu fil-faċilitazzjoni tad-Diliġenza Dovuta finanzjarja u l-valwazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-NPL, se jkollhom rwol dejjem aktar importanti fil-futur. Fuq talba tal-Kummissjoni u wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u l-akkwirenti tal-kreditu, l-EBA bħalissa qed twettaq rieżami tal-mudelli tad-data, filwaqt li tissimplifikahom biex tgħin lill-banek jippreparaw aħjar bħala parti mill-istrateġiji ta’ ġestjoni tal-NPL tagħhom wara l-pandemija tal-COVID-19. L-użu tal-mudelli sa issa kien volontarju, madankollu, id-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u l-akkwirenti tal-kreditu (15) tagħti mandat lill-EBA biex tkompli tiżviluppahom fi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’konformità mal-kundizzjonijiet kif stabbiliti fid-Direttiva, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-futur se jkunu meħtieġa jużaw il-mudelli għat-trasferimenti ta’ ftehimiet ta’ kreditu li ma jrendix (inklużi trasferimenti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn). Meta titqies l-esperjenza tal-parteċipanti fis-suq min-naħa tax-xerrej u tal-bejjiegħ, il-mudelli riveduti għandhom isiru aktar sempliċi, aktar proporzjonati u aktar effettivi, li jippermettu l-iskoperta tal-prezzijiet b’mod konsistenti fis-suq uniku.

Il-Bejjiegħ jista’ jwettaq kontrolli ta’ kompletezza, akkuratezza u kontrolli oħrajn tal-kwalità tad-data u joħloq Silta tad-Data dwar is-Self fil-format speċifiku meħtieġ għal finijiet ta’ tranżazzjoni jew regolatorji. F’dan ir-rigward, huwa rrakkomandat li jintuża l-mudell tad-data tal-NPL tal-Awtorità Bankarja Ewropea, li għandu jsir obbligatorju fil-futur. Fornitur Estern tas-Servizzi jista’ jappoġġa wkoll id-determinazzjoni ta’ prezz mistenni għall-portafoll speċifiku.

It-tħejjija tad-dokumentazzjoni għandha tinkludi l-fajls tas-self reali, jew kampjun tagħhom, billi dawn se jkunu meħtieġa mill-investituri matul id-Diliġenza Dovuta. Fi kwalunkwe każ, id-disponibbiltà tad-dokumentazzjoni se ssir suġġett matul il-Fażi tal-BO billi l-investituri ġeneralment jitolbu R&Ws fir-rigward tad-dokumentazzjoni li tkun disponibbli. Id-dokumentazzjoni f’forma trasferibbli jeħtieġ li tkun lesta qabel l-iffirmar/l-għeluq. Għarfien dwar liema data u dokumentazzjoni jistgħu jiġu pprovduti f’liema forma huwa prerekwiżit meta jinbeda proċess tal-bejgħ ta’ NPL.

Il-ġbir ta’ dokumentazzjoni fiżika jista’ ma jkunx formalità trivjali. In-nuqqas ta’ kwalità tad-dokumentazzjoni jista’ jbaxxi l-prezz. Skont il-kuntratt ta’ self, dan jista’ jinkludi varjetà ta’ dokumenti u rekords:

Dokumentazzjoni tas-self:

Kuntratti jew atti mad-debituri

Dokumentazzjoni ġudizzjarja

Dokumentazzjoni dwar l-insolvenza

Addenda f’self fuq żmien itwal

Dokumentazzjoni tal-kollateral

Korrispondenza mal-klijent jew mal-qrati

Korrispondenza mal-avukati

Jekk il-Bejjiegħ jiddeċiedi li jikkondividi kampjun ta’ dokumenti mal-investituri biss, il-proċess għall-ħolqien tal-kampjun għandu jiġi spjegat sew u l-mutwatarji kollha li jappartjenu għall-kampjun għandhom jiġu mmarkati b’mod ċar fis-Silta tad-Data dwar is-Self. Il-bejjiegħ għandu jħejji dokumentazzjoni tal-kampjun għal kampjun (statistikament) aleatorju. Jekk l-NPLs magħżula ma (jidhrux li) jirrappreżentaw kampjun aleatorju, l-analisti fil-livell tal-investituri jindikaw dan u l-investituri x’aktarx jitolbu dokumentazzjoni addizzjonali, li tista’ ddewwem il-proċess ġenerali jew, jekk il-bejjiegħ ma jissodisfax it-talba, tista’ twassal għal prezzijiet aktar baxxi offruti minħabba li l-investituri jibżgħu li l-kwalità tad-data ma hijiex uniformi għall-NPLs fil-portafoll.

2.5.   Deċiżjoni dwar l-istruttura tal-VDR

Sabiex tiġi kondiviża l-informazzjoni, għal tranżazzjonijiet akbar b’informazzjoni disponibbli l-aktar b’mod diġitali, huwa rrakkomandat li tintuża VDR (soluzzjoni ta’ VDR interna u/jew Fornitur Estern tas-Servizzi li joffri soluzzjonijiet ta’ VDR). Dan jippermetti t-traċċar tat-tniżżil tad-dokumenti u l-attività ta’ kull investitur potenzjali b’mod li jista’ jiġi awditjat faċilment. Barra minn hekk, il-VDR ġeneralment tippermetti sessjonijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet u tista’ tippermetti wkoll il-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe talba ta’ informazzjoni addizzjonali lil kull investitur, li tiffaċilita proċess ġust u trasparenti. VDR tista’ tiġi stabbilita internament mill-Bejjiegħ jew b’kooperazzjoni ma’ Fornitur Estern tas-Servizzi (ara wkoll l-Anness 3 għal aktar dettalji).

Jekk il-Bejjiegħ jagħżel li jagħmel użu minn VDR, mela d-data u d-dokumenti kollha (disponibbli elettronikament) jiġu kondiviżi permezz tal-VDR. Jekk il-Bejjiegħ ma jagħmilx użu minn VDR, il-Bejjiegħ jagħżel mezz sigur ieħor ta’ trasferiment tad-data.

Id-deċiżjoni li tiġi stabbilita u użata VDR għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ biex jiġu ssodisfati l-interessi tal-partijiet parteċipanti kollha. Speċjalment għal portafolli żgħar jew tranżazzjonijiet b’isem wieħed, għandha titwettaq analiżi tal-kostbenefiċċji, li tista’ tiskoraġġixxi l-użu ta’ VDR u tista’ tissuġġerixxi l-użu ta’ soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jkunu aktar kosteffiċjenti f’tali ċirkostanzi.

Meta tintuża VDR, il-linji gwida f’dokument speċifiku għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-investituri fl-użu tal-VDR (l-aċċess għall-VDR u l-użu tal-informazzjoni ddivulgata fiha). Id-dokument tipikament ikun fih il-lista ta’ persuni li għandhom jingħataw aċċess għall-VDR, għar-regoli tal-kamra tad-data u għad-drittijiet ta’ permess (eż. il-livelli ta’ permess għat-tniżżil, il-possibbiltajiet ta’ stampar, eċċ.). Ir-regoli tal-VDR għandhom ikunu bbilanċjati u għandhom jiddikjaraw li l-ftehimiet fl-NDA jipprevalu f’każ ta’ kunflitt. Dan jista’ joħloq dewmien sinifikanti jekk ir-regoli tal-VDR ikun fihom stipulazzjonijiet ta’ strettezza mill-NDA, inkluża r-responsabbiltà potenzjalment personali ta’ persuni li jidħlu fil-VDR. Jekk l-analisti tal-investituri jirrifjutaw li jidħlu fil-VDR abbażi ta’, pereżempju, klawżoli ta’ responsabbiltà personali, dan ma jkunx fl-interess tal-bejjiegħ jew tal-proċess b’mod ġenerali.

Id-dokumenti mtellgħin fil-VDR jeħtieġ li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali u s-segretezza bankarja. Għalhekk, jekk applikabbli, l-informazzjoni dwar id-data personali (jiġifieri n-numru ta’ identifikazzjoni personali, l-isem/il-kunjom, eċċ.) u/jew l-informazzjoni sensittiva trid tkun immarkata b’linja sewda wara l-parir ta’ konsulent tranżazzjonali intern/estern.

Min-naħa l-oħra, matul din il-fażi, il-Bejjiegħ jagħti lill-investituri aċċess għal informazzjoni essenzjali fil-forma ta’ Siltiet tad-Data dwar is-Self biex tkun tista’ ssir analiżi tal-portafoll. Aktar ma tkun rilevanti l-informazzjoni, aktar ikun probabbli li l-Bejjiegħ jikseb offerti realistiċi ta’ prezzijiet mhux vinkolanti. L-informazzjoni rilevanti għandha tkun tinkludi mill-inqas dawn li ġejjin: l-ammont pendenti totali, is-segment tad-debituri (individwi privati, negozji żgħar, kumpaniji kbar, eċċ.), id-data tal-inadempjenza, pagamenti storiċi, l-istatus legali tad-dejn, dettalji rigward il-kollateral (f’każ li s-self ikun garantit). Fil-każ ta’ portafolli kbar, il-VDR tista’ ma tinkludix dokumentazzjoni sħiħa matul il-Fażi 1. Imbagħad jista’ jiġi pprovdut kampjun ta’ dokumentazzjoni tas-self matul il-Fażi 2. L-ambitu tad-divulgazzjoni tad-dokumentazzjoni tas-self jista’ jiġi pprovdut lill-Investituri tal-Fażi 1 matul il-Fażi 1, sabiex huma jikkunsidraw dan għall-NBOs tagħhom. Jista’ jkun hemm bżonn li l-kriterji tal-kampjunar jiġu ddivulgati kif suppost lill-investituri billi dawn jistgħu jiġu inklużi fl-LSPA fil-forma R&Ws. Jekk jiġu ingaġġati Fornituri Esterni tas-Servizzi, huwa rrakkomandat li huma jivverifikaw u japprovaw il-kriterji tal-kampjunar.

2.6.   Tħejjija tal-Ftehim dwar il-Bejgħ u x-Xiri ta’ Self

Minbarra d-data u d-dokumentazzjoni, it-termini inklużi fl-LSPA se jaffettwaw il-prezz. B’hekk, il-proċess li jirrigwardja l-LSPA għandu jkun diġà nbeda fil-fażi ta’ tħejjija u għandu jkun parti mid-dokumentazzjoni li għandha tiġi kondiviża mal-investituri permezz tal-VDR qabel ma tiġi sottomessa l-BO u jikkostitwixxi element ewlieni li għandu jiġi kkunsidrat għall-BO nnifisha.

Il-Bejjiegħ għandu jiddeċiedi dwar il-proċess rigward l-LSPA:

B’liema lingwa għandu jiġi prodott l-LSPA lill-investituri? Hija kkunsidrata bħala prattika standard tas-suq li l-Ingliż huwa l-lingwa ppreferuta, diment li t-termini legali speċifiċi jirreferu wkoll għat-terminu legali rispettiv bil-lingwa lokali. Madankollu, fejn l-investituri fil-mira jkunu (biss) lokali, il-lingwa lokali x’aktarx tkun aċċettabbli.

Dan se jiġi abbozzat minn avukati interni jew se jkun awtorizzat avukat legali estern?

Il-mudelli tal-LSPA huma disponibbli mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija jew fuq il-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet?

X’informazzjoni jeħtieġu l-avukati biex ikunu jistgħu jippersonalizzaw l-LSPA għall-portafoll?

Liema R&Ws jista’ jagħti l-Bejjiegħ? Il-kontribut mit-tim tat-tħaddim huwa imperattiv hawnhekk.

Min jeħtieġ li jiffirma l-LSPA internament qabel ma jiġi pprovdut lill-investituri (16)?

Id-definizzjoni ta’ skeda ta’ żmien raġonevoli għall-investituri biex iħejju marġni kummerċjali u b’hekk iqisu ż-żmien addizzjonali li jista’ jkun meħtieġ jekk il-lingwa tal-LSPA ma tkunx l-Ingliż, iżda l-korporazzjonijiet/il-fondi internazzjonali huma fost l-investituri.

L-iffissar ta’ skedi ta’ żmien interni: x’jeħtieġ li jsir u meta, sabiex tkun tista’ tiġi ssodisfata l-iskeda ta’ żmien tal-kunsinna?

L-abbozz tal-LSPA meta jingħata lill-investituri?

L-abbozz ta’ LSPA għandu jiġi żviluppat ulterjorment matul il-fażi li jmiss (ara wkoll it-Taqsima 3.4).

3.   Fażi ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni

3.1.   Attivitajiet ewlenin

Il-Fażi ta’ Qabel il-Kummerċjalizzazzjoni tinvolvi l-valutazzjoni preliminari tar-rieda tas-suq li jirċievi feedback dwar tranżazzjoni. L-output ta’ din il-fażi huwa l-għażla finali tal-istruttura u l-perimetru tat-tranżazzjoni, l-Ittra ta’ Proċess li tiddeskrivi r-regoli u l-iskeda ta’ żmien tat-tranżazzjoni, u Inventarju tal-Materjal ta’ Diliġenza Dovuta li jagħti dettalji dwar f’liema punt fil-proċess il-materjal ewlieni se jiġi rilaxxat lill-investituri potenzjali.

L-attivitajiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

Sondaġġ tas-suq

Definizzjoni tal-aħjar strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni

Titkompla t-tħejjija tal-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess għall-Fażi tal-NBO u għall-Fażi tal-BO.

Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-profondità tal-fażi ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni huma definiti minn rekwiżiti ta’ spiss kunfliġġenti li fihom qed jopera l-Bejjiegħ. Il-Bejjiegħ irid jibbilanċja:

il-ħtieġa tiegħu għat-trasparenza tat-tranżazzjonijiet kif mitlub mill-partijiet ikkonċernati tiegħu (eż. ir-regolaturi, l-azzjonisti, eċċ.); u

l-objettiv ġenerali (eż. il-massimizzazzjoni tal-irkupri/valur, il-veloċità u l-kostijiet, il-minimizzazzjoni tat-tfixkil, id-diskrezzjoni, it-twassil lejn klijenti f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, eċċ.)

3.2.   Sondaġġ tas-suq

Matul din il-fażi, il-Bejjiegħ jista’ jagħmel “sondaġġ tas-suq”, abbażi tal-karatteristiċi tat-tranżazzjoni pproġettata u jħejji lista twila ta’ investituri potenzjali biex jivvaluta l-interess tagħhom fit-tranżazzjoni. Ir-restrizzjonijiet esterni fuq il-proċess jistgħu ma jippermettux stedina miftuħa lill-akbar ammont ta’ investituri possibbli u/jew il-Bejjiegħ jista’ ma jkollux għarfien tal-aktar investituri probabbli. Għalhekk, huwa importanti li tinżamm l-usa’ ġabra ta’ investituri possibbli, mingħajr limitazzjoni, u li jkun hemm aċċess għaliha. F’dan ir-rigward, għal ċerti bejjiegħa, f’għadd ta’ ġuriżdizzjonijiet, il-Fornituri Esterni tas-Servizzi jistgħu jgħinu fl-indirizzar tal-investituri t-tajbin permezz tal-bażijiet tad-data tal-investituri tagħhom.

Bħala parti mis-Sondaġġ tas-Suq, il-Bejjiegħ jista’ joħroġ it-Teaser li jippreżenta l-proċess previst (bi skeda ta’ żmien ġenerali), ir-regoli għall-aċċess għall-informazzjoni, u l-proċedura tal-offerti. Huwa importanti li jiġu ċċarati l-aspettattivi u li l-proċess jiġi spjegat bl-aktar mod dettaljat possibbli. Għalhekk, huwa essenzjali li tiġi pprovduta skeda ta’ żmien konkreta, li jiġi indikat meta se jiġu pprovduti r-riżultati tanġibbli tal-Bejjiegħ, meta jkunu mistennija l-offerti u fuq liema bażi, eċċ.

It-Teaser huwa dokument ta’ kummerċjalizzazzjoni anonimu, li jiġbor fil-qosor l-elementi ewlenin tal-bejgħ propost tal-NPL. Dan jista’ jiġi pprovdut lill-investituri potenzjali qabel l-iffirmar ta’ NDA (u jipprovdi l-ewwel indikazzjoni dwar meta għandu jiġi ffirmat/eżegwit l-NDA). B’mod partikolari għall-bejgħ tal-NPL li jinvolvi kollateral immobiljari, huwa importanti li tali Teaser jitħejja b’sett ta’ viżwali, mapep, eċċ. li jkun komprensiv kemm jista’ jkun. Sa fejn ikun possibbli mingħajr ma jiġi ddivulgat materjal kunfidenzjali, it-Teaser, bħala minimu, għandu jindirizza l-fatti ewlenin dwar il-proprjetà, il-post tal-proprjetà, il-punti ewlenin tal-investimenti, ħarsa ġenerali lejn il-mutwatarju, l-istadju kurrenti fil-proċess legali tas-self, l-indikaturi finanzjarji ewlenin, l-istampa (17), u l-informazzjoni ta’ kuntatt (18).

It-Teaser jitqassam lill-investituri fil-mira biex jintroduċihom għall-karatteristiċi ewlenin tat-tranżazzjoni prevista. Il-Bejjiegħ jiġbor espressjonijiet ta’ interess minn investituri potenzjali. Wara li jirċievi l-espressjonijiet ta’ interess bil-miktub, il-Bejjiegħ jista’ jikkunsidra li jistieden aktar investituri għall-proċess tal-bejgħ.

Il-konsulent legali intern/estern tal-Bejjiegħ jeħtieġ li jinnegozja l-NDAs mal-investituri potenzjali u mal-konsulenti legali rispettivi tagħhom. Fi tmiem din il-fażi, l-investituri potenzjali huma meħtieġa jiffirmaw dawn l-NDAs. Wara l-eżekuzzjoni tal-NDA, il-Bejjiegħ se jkun jista’ jiddistribwixxi Ittra ta’ Proċess inizjali u Memorandum ta’ Informazzjoni lill-Investituri tal-Fażi 1.

Billi l-NDAs jippreżentaw is-suġġett kumpless tagħhom stess, jista’ jittieħed ħafna żmien biex jiġi nnegozjat NDA ma’ investituri b’esperjenza li għandhom ir-regoli u l-linji gwida interni tagħhom stess li jridu jaderixxu magħhom. Dan jeħtieġ li jkun rifless fl-iskeda ta’ żmien. Huwa possibbli li investitur ikun lest li jiffirma malajr u li l-proċess jinżamm wieqaf għal xi ġimgħat, minħabba li jkun meħtieġ li l-NDA jiġi nnegozjat ma’ investitur ieħor. Huwa rrakkomandat li l-onboarding tal-investituri interessati jiġi ċentralizzat, bl-użu ta’ responsabbiltajiet stretti tat-tim u teknoloġiji moderni (permezz ta’ sistemi interni jew permezz ta’, pereżempju, pjattaformi tat-tranżazzjonijiet).

Elementi li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi kkummerċjalizzat/irreklamat bejgħ:

L-għażla tar-residenza tal-investituri u l-lingwa tal-materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni huma importanti ħafna. Bħala regola ġenerali, tranżazzjonijiet bi prezz ta’ ħlas fil-pront possibbli (rikavati netti) taħt EUR 5 miljun sa EUR 20 miljun (skont il-pajjiż u l-ispeċifiċitajiet tal-portafoll tal-NPL) jistgħu jkunu attraenti biss għall-investituri lokali; tranżazzjonijiet akbar għandhom jiġu kkummerċjalizzati kemm lill-investituri lokali kif ukoll lil dawk internazzjonali. L-investituri internazzjonali tipikament jistennew li t-tranżazzjoni tinkorpora dokumenti u proċessi tas-suq aċċettati b’mod ġenerali (eż. NDA ta’ LMA) u jeħtieġu dokumentazzjoni bl-Ingliż għall-proċess tat-tranżazzjoni. Barra minn hekk, għal tranżazzjonijiet iżgħar, għandha tiġi kkunsidrata d-dokumentazzjoni bl-Ingliż, billi l-“investituri lokali” jistgħu jkunu affiljati ma’ korporazzjonijiet akbar bis-sede tagħhom barra mill-pajjiż u fejn ikun meħtieġ li tinkiseb l-approvazzjoni tal-kumitat.

Huwa importanti wkoll li tiġi elaborata l-għażla tal-investituri abbażi tal-preferenza fil-kategorija speċifika tal-assi. L-investituri fis-suq tal-NPL jaqsmu l-aktar l-interess tagħhom skont għadd ta’ fatturi (ara wkoll it-Taqsima 1.3). Ir-rieda għax-xiri tista’ tintwera wkoll permezz ta’ impenn finanzjarju (eż. depożitu rimborżabbli). Fir-rigward tal-għażla tal-aħħar, il-Bejjiegħ għandu jiżen il-livell ta’ sigurtà li joffri depożitu, kontra l-isforzi addizzjonali li jirriżultaw mill-ħtieġa li jinnegozja dokument ieħor u li jimmaniġġja d-depożiti finanzjarji minn diversi investituri, li fl-aħħar mill-aħħar ikollhom jiġu rrimborżati (ħlief għall-Akkwirent li għalih l-ammont iddepożitat jista’ jitnaqqas mill-ħlas tal-prezz tax-xiri).

3.3.   Definizzjoni tal-aħjar strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni

Kif ġie nnotat hawn fuq, jeħtieġ li ssir għażla bejn Proċess ta’ Fażi Waħda u Proċess ta’ Żewġ Fażijiet. Dan tal-aħħar huwa kkaratterizzat minn żewġ livelli ta’ divulgazzjoni: l-ewwel, l-offerenti jiġu pprovduti b’divulgazzjoni ta’ livell għoli matul il-fażi tal-NBO. Sussegwentement, l-investituri magħżula jingħataw aċċess għat-tieni livell ta’ divulgazzjoni matul il-fażi tal-BO, li ġeneralment tinkludi materjali aktar dettaljati ta’ Diliġenza Dovuta (Rapport tal-AUP, rivalwazzjonijiet, rieżami tas-servizzjar, eċċ.). Bil-maqlub, fi Proċess ta’ Fażi Waħda, l-offerenti kollha jiġu pprovduti bl-istess livell ta’ divulgazzjoni f’daqqa.

Fażi tal-NBO għandha għadd ta’ vantaġġi:

(i)

Iżżid il-kompetizzjoni minħabba li l-grupp inizjali ta’ offerenti jkun akbar;

(ii)

L-investituri jintgħażlu għall-fażi li ġejja abbażi tal-ittri tal-NBO tagħhom sabiex b’hekk il-fażi vinkolanti intensiva fix-xogħol u d-Diliġenza Dovuta jitwettqu biss ma’ grupp ristrett ta’ investituri, sabiex il-proċess ġenerali jkun aktar effiċjenti u aktar faċli biex jiġi mmaniġġjat;

(iii)

L-investituri għandhom iċ-ċans li jitolbu data addizzjonali matul il-fażi tal-NBO, li l-Bejjiegħ jista’ jħejji u mbagħad jipprovdi fil-fażi vinkolanti. Id-divulgazzjonijiet meħtieġa rigward il-kwalità tal-portafoll jistgħu jżidu l-ipprezzar tal-portafoll (li jwassal għal ipprezzar aktar akkurat) u jagħmlu d-diskussjonijiet dwar l-LSPA aktar faċli;

(iv)

L-iskoperta tal-prezzijiet tista’ tkun aktar importanti għall-portafolli li x’aktarx ma jħallsux, li jistgħu jsiru aktar komuni wara l-kriżi tal-COVID-19 milli kien għall-NPLs ta’ legat innegozjati fl-aħħar 10 snin;

(v)

Data/informazzjoni aktar sensittiva (bħal informazzjoni kuntrattwali u ġudizzjarja privata relatata mal-mutwatarju nnifsu, rivalwazzjonijiet tal-proprjetà, rieżami sħiħ tas-servizzjant, eċċ.) tiġi pprovduta biss lill-offerenti magħżula fil-lista mqassra fil-Fażi 2.

Min-naħa l-oħra, l-iżvantaġġi ta’ fażi tal-NBO jinkludu:

(i)

It-tranżazzjoni tista’ tieħu aktar żmien minħabba n-natura ta’ Żewġ Fażijiet tal-proċess;

(ii)

Iridu jitħejjew żewġ settijiet ta’ data. Madankollu, it-tieni Silta tad-Data dwar is-Self għandha tibbenefika mix-xogħol parzjali li jkun sar fl-ewwel wieħed li jżid grad ogħla ta’ tlestija; u

(iii)

Sensibilizzazzjoni usa’ tal-investituri tista’ tnaqqas il-kunfidenzjalità tat-tranżazzjonijiet.

B’mod ġenerali, jista’ jiġi rrakkomandat Proċess ta’ Żewġ Fażijiet f’każ li l-għadd ta’ investituri potenzjali jkun għadu ma tnaqqasx għal, pereżempju, ħamsa jew inqas. F’każ li Bejjiegħ ikun diġà jaf li l-għadd ta’ investituri jkun limitat u l-kompetizzjoni tista’ saħansitra tkun kontroproduttiva, il-Bejjiegħ ċertament jista’ jikkunsidra proċess aktar mgħaġġel (u probabbilment aktar profittabbli) ta’ lista mqassra.

Tul tal-fażijiet tad-divulgazzjoni: bħala medja, il-Fażi 1 iddum sa madwar 4 ġimgħat u t-tieni fażi ddum bejn 4 ġimgħat u 12-il ġimgħa (skont jekk il-portafoll ikunx garantit jew le u skont jekk il-Bejjiegħ ikunx se jikkonforma mal-iskadenzi tal-kunsinna tiegħu stess). Madankollu, minħabba l-eteroġeneità tal-portafolli u n-natura personalizzata ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, id-durata eżatta tiddependi fuq kull portafoll u bażi ta’ investituri.

Ladarba tittieħed id-deċiżjoni li jintgħażel Proċess ta’ Fażi Waħda jew Proċess ta’ Żewġ Fażijiet, abbażi tal-prattiki tas-suq, it-tliet strateġiji standard għat-twaqqif ta’ proċess kompetittiv huma Rkant Wiesa’, Irkant Immirat u Bejgħ Innegozjat. Hawn taħt se tingħata ħarsa ġenerali lejn dawn it-tliet għażliet u indikazzjonijiet dwar x’jikkostitwixxi l-aħjar strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni f’xenarji differenti.

Irkant Wiesa’:

Irkant Wiesa’ huwa Proċess tipiku ta’ żewġ Fażijiet, fejn lista kbira ta’ investituri jiġu mistiedna jissottomettu NBO indikattiva. Wara dan l-ewwel stadju tal-irkant, jitmexxa proċess ta’ Diliġenza Dovuta b’lista mqassra ristretta ta’ investituri li huma mistiedna jissottomettu BO finali. Wara dan it-tieni stadju tal-irkant, jintgħażel Offerent Ippreferut, li miegħu l-Bejjiegħ jidħol fin-negozjati tal-LSPA u potenzjalment ta’ ftehimiet ta’ tranżazzjoni addizzjonali.

Filwaqt li jibni fuq il-vantaġġi msemmija hawn fuq, il-benefiċċju ewlieni ta’ dan il-proċess jinsab fil-bażi akbar ta’ investituri potenzjali:

Aktar kompetizzjoni li twassal għal riżultati ogħla tal-bejgħ;

L-investituri se jiġu ttrattati fi proċess ta’ għażla aktar trasparenti bbażat fuq il-prezz u mhux fuq relazzjonijiet personali; u

Mill-perspettiva tal-konformità, hemm disponibbli prezz tas-suq aktar rappreżentattiv u pprezzar komparabbli.

L-iżvantaġġi ewlenin huma riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-ġestjoni tat-tranżazzjoni, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma’ aktar parteċipanti, ir-riskji għar-reputazzjoni tal-bejjiegħa u r-riskju possibbli ta’ falliment fl-eżekuzzjoni ma’ investituri ġodda. Fir-rigward tal-listi twal ta’ investituri, ir-riskju li jkun hemm lista twila żżejjed huwa li dawk l-investituri li għandhom interess reali fit-tranżazzjoni jistgħu jkunu jsibuha aktar bi tqila li jqattgħu ħin u riżorsi fuq id-Diliġenza Dovuta f’sitwazzjoni bħal din, minħabba li l-kompetizzjoni għolja ħafna u l-perċezzjoni tal-proċess huma inqas iffokati.

Għal tranżazzjonijiet li jipprovaw jilħqu udjenza wiesgħa, għal ċerti bejjiegħa f’għadd ta’ ġuriżdizzjonijiet, il-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet jistgħu joffru mod effiċjenti biex jimminimizzaw l-iżvantaġġ li jittrattaw għadd kbir ta’ investituri. Il-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet huma maħsuba biex jaqilbu l-kumplessità tal-interazzjoni ma’ bosta investituri possibbli mill-Bejjiegħ għal pjattaforma mibnija apposta.

Irkant Immirat:

Irkant Immirat huwa proċess kompetittiv simili għall-Irkant Wiesa’, iżda jinvolvi lista iqsar ta’ investituri potenzjali (bejn wieħed u ieħor minn 2 sa 8). Din l-għażla tipikament tippermetti lill-Bejjiegħ ikollu kontroll aħjar fuq il-proċess, filwaqt li jibbenefika minn ambjent li għadu kompetittiv. Ġeneralment ikun Proċess ta’ Żewġ Fażijiet, għalkemm f’ċirkostanzi speċifiċi u speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni għolja ta’ ħin l-ewwel fażi tista’ titħalla barra.

Il-vantaġġi ewlenin huma marbuta mal-bażi aktar ristretta ta’ investituri potenzjali:

Inqas kumplessità (inqas interazzjonijiet, inqas sforzi ta’ Diliġenza Dovuta meħtieġa f’dan l-istadju);

Il-parteċipanti huma magħrufa sewwa, li jgħaqqad l-iskeda ta’ żmien u r-rata ta’ suċċess. Dan jippermetti wkoll li jinkiseb impenn aħjar mill-parteċipanti kollha, billi huma jemmnu li għandhom ċans aħjar li jintgħażlu bħala l-Offerent Ippreferut, u dan iħeġġiġhom jużaw aktar riżorsi, jiffokaw aktar sforzi fuq id-Diliġenza Dovuta, li jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-prezz u l-LSPA;

Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-investituri huwa aktar maniġġabbli mit-tim tal-bank; u

It-trażżin ta’ kwistjonijiet potenzjali bil-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u riskji limitati għar-reputazzjoni.

L-iżvantaġġi ewlenin ta’ divulgazzjoni ristretta tal-kummerċjalizzazzjoni huma kompetizzjoni limitata, b’mod partikolari l-esklużjoni possibbli ta’ parteċipanti ġodda li setgħu kienu interessati fit-tranżazzjoni. Dan jista’ jwassal għal inqas rikavati mill-bejgħ u, fl-agħar każ, għal rieżami regolatorju aktar tard.

Bejgħ Innegozjat:

Il-Bejgħ Innegozjat huwa proċess bilaterali li jinvolvi investitur potenzjali wieħed. Minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni, il-passi ewlenin (bid-dokumentazzjoni rilevanti kondiviża) u l-eżitu tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni jvarjaw b’mod sinifikanti mill-Irkant Wiesa’. L-istrateġija hija aktar probabbli li tiġi adottata f’xenarji fejn il-veloċità u l-kunfidenzjalità relatati mat-tranżazzjoni jkunu kritiċi għall-Bejjiegħ, jew fil-każijiet li ġejjin:

Fil-valutazzjoni preliminari tas-suq, għadd limitat biss ta’ investituri (wieħed jew tnejn) urew interessi fit-tranżazzjoni.

In-negozjati bejn il-Bejjiegħ u l-Akkwirent potenzjali saru minn qabel jew din hija tranżazzjoni ripetuta/ta’ segwitu, għalhekk jista’ ma jkunx hemm bżonn li jinbeda proċess kompetittiv.

Il-vantaġġi ewlenin ikunu marbuta ma’ għarfien/interess speċjali fuq id-Debitur/il-Kreditur:

L-investituri li huma diġà investiti f’Debitur speċifiku (Korporattiv) ikunu jistgħu jħallsu primjum minħabba l-isforz u r-riskju mnaqqsa ta’ Diliġenza Dovuta.

L-investituri/is-servizzjanti li diġà jwettqu servizzjar għall-Kreditur żviluppaw għarfien/proċeduri speċifiċi maż-żmien biex iħallsu Primjum u jagħtu ċ-ċertezza tal-Eżekuzzjoni.

L-isforz fuq il-kondiviżjoni tad-dokumenti ta’ Diliġenza Dovuta huwa baxx ħafna.

L-iżvantaġġi ewlenin huma l-ġbir possibbli ta’ prezzijiet ta’ referenza limitati u feedback ristrett tas-suq.

Skont l-għażla fost it-tliet għażliet ta’ hawn fuq, jistgħu jiġu previsti l-iskedi ta’ żmien li ġejjin:

Proċess

Fażijiet ta’ Tħejjija

Fażi ta’ Offerta Mhux Vinkolanti

(Fażi 1)

Fażi ta’ Offerta Vinkolanti

(Fażi 2)

Negozjar u Ffirmar

Irkant Wiesa’ – Proċess ta’ Żewġ Fażijiet

8 - 12-il ġimgħa

4 - 6 ġimgħat

6 - 10 ġimgħat

2 - 4 ġimgħat

Irkant Immirat – Proċess ta’ Żewġ Fażijiet

6 - 10 ġimgħat

4 - 6 ġimgħat

6 - 10 ġimgħat

2 - 4 ġimgħat

Irkant Immirat – Proċess ta’ Fażi Waħda

6 - 8 ġimgħat

M/A

6 - 10 ġimgħat

2 - 4 ġimgħat

Bejgħ Innegozjat – Proċess ta’ Fażi Waħda

4 - 8 ġimgħat

M/A

6 - 8 ġimgħat

2 - 4 ġimgħat (19)

3.4.   It-tħejjija tal-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess għall-Fażi Mhux Vinkolanti u għall-Fażi Vinkolanti

It-tħejjija tal-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess għall-Fażi tal-NBO:

L-objettiv finali tal-fażi ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni huwa li jitħejjew il-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess li huma xierqa għall-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni magħżula (eż., Wiesgħa, Immirata, Innegozjata). L-output huwa Ittra ta’ Proċess (20), li tiġi kondiviża mal-investituri li ffirmaw NDA. Id-dokument tal-Ittra ta’ Proċess jiddefinixxi:

(i)

il-proċedura u r-regoli li magħhom se jaderixxu l-parteċipanti fil-bejgħ; u

(ii)

l-Inventarju tal-Materjal ta’ Diliġenza Dovuta, li se jagħti dettalji dwar liema materjal imħejji fl-istadji preċedenti (eż. Teaser, is-Siltiet tad-Data dwar is-Self, id-dokumenti tas-self, il-valutazzjonijiet, ir-Rapport tal-AUP, ir-rapport dwar id-Diliġenza Dovuta legali, l-LSPAs, eċċ.), se jkun inkluż fil-fażi tal-NBO u fil-fażi tal-BO (jekk tkun ittieħdet deċiżjoni li jkun hemm proċess maqsum).

L-importanza ta’ din il-fażi ma tistax tiġi sottovalutata. L-investituri jibnu fiduċja fi proċess ibbażat fuq l-ispirtu professjonali tar-“regoli tal-logħba” kif definiti mill-Bejjiegħ fl-Ittra ta’ Proċess. L-investituri tipikament jippreferu jinvestu l-kostijiet tad-Diliġenza Dovuta fi proċessi fejn ikollhom fiduċja għolja fl-iskeda ta’ żmien u fl-għanijiet tal-Bejjiegħ. Bil-maqlub, il-proċessi tal-bejgħ li jidhru li għandhom skedi ta’ żmien flessibbli, regoli li jinbidlu, eċċ. jagħmlu ħsara mhux biss lill-prospetti għal dak il-proċess ta’ bejgħ individwali, iżda wkoll lill-prospetti tal-Bejjiegħ li jwettaq aktar bejgħ. Il-Bejjiegħa għandhom iqisu dan meta jniedu proċess tal-bejgħ ta’ NPL u jqisu li l-investituri huma inqas probabbli li jieħdu sehem fil-proċessi mill-ġdid jekk ikunu osservaw xi waħda minn dawn li ġejjin:

il-Bejjiegħ jidher li huwa sempliċiment interessat fil-kontroverifika tal-valur kontabilistiku tal-NPLs tiegħu;

il-Bejjiegħ iniedi proċess ta’ tranżazzjoni għall-istess portafoll (jew simili) fuq bażi regolari, iżda ma jbigħx minħabba li l-aspettattivi tal-prezzijiet tiegħu ma ġewx issodisfati, filwaqt li qatt ma jiżvela l-prezz ta’ riżerva tiegħu.

Bl-istess mod, l-investiment f’din il-fażi jnaqqas ir-riskju ta’ kostijiet legali, skrutinju regolatorju, u responsabbiltà aktar tard. L-Ittra ta’ Proċess tiddetermina l-aspettattivi tal-investituri fir-rigward tal-proċess, l-iskeda ta’ żmien u l-format tal-proċess tal-offerti. Dan jippermettilhom jallokaw ir-riżorsi u jistabbilixxi l-istrateġija tagħhom.

L-Ittra ta’ Proċess, bħala minimu, għandha tindirizza:

Restrizzjonijiet fuq liema tip ta’ entitajiet jistgħu jressqu offerti: Abbażi ta’ parir minn konsulent legali (regolatorju) intern jew estern, il-Bejjiegħ għandu jispeċifika l-liċenzja jew rekwiżiti oħrajn li japplikaw għall-Akkwirent. Anki jekk legalment huwa fil-biċċa l-kbira obbligu ta’ Akkwirent li jiżgura tali konformità, il-bejjiegħ ma jkunx irid jirriskja dewmien fil-proċess jew idaħħal investituri li ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-Fażi 2.

Mezzi li bihom offerent jirrikonoxxi u jaqbel mal-Ittra ta’ Proċess: Pereżempju, rikonoxximent bil-miktub qabel l-offerta, permezz tal-azzjoni tas-sottomissjoni ta’ offerta, eċċ.

L-iskadenzi kollha applikabbli għall-fażi tat-tranżazzjoni rilevanti, inklużi r-riżultati tanġibbli tal-bejjiegħ, bħad-data, il-kampjun tad-dokumentazzjoni tas-self u l-LSPA.

KYC: F’liema stadju offerent prospettiv se jkollu jipprovdi l-materjal tal-KYC.

Proċedura tal-Offerti:

Kif se titwettaq id-Diliġenza Dovuta, u f’liema stadji se jiġu rilaxxati l-livelli differenti tal-materjal. Pereżempju, se tkun disponibbli Silta tad-Data dwar is-Self anonimizzata matul il-fażi tal-NBO; se tkun disponibbli Silta tad-Data dwar is-Self dettaljata matul il-fażi tal-BO.

Kif se jiġu indirizzati l-mistoqsijiet relatati mad-Diliġenza Dovuta? Il-proċess tas-sottomissjoni, il-ħin tat-turnaround immirat, eċċ.

Depożitu: Se jkun meħtieġ depożitu biex tiġi sottomessa offerta u x’inhuma l-istruzzjonijiet għas-sottomissjoni tad-depożitu, jekk meħtieġ?

Kif għandhom jiġu sottomessi l-offerti: Pereżempju, bil-posta elettronika, fuq pjattaforma elettronika, bit-telefon, b’mod fiżiku, eċċ.

Tip ta’ offerti: Jekk il-bejgħ huwiex se jsir bħala offerta ssiġillata, irkant Ingliż, rkant bi prezz uniformi, jew xi mudell ibridu (ara wkoll l-Anness 4 għal aktar informazzjoni).

X’se tkun tikkostitwixxi offerta valida: Pereżempju, jekk humiex se jiġu kkunsidrati offerti parzjali, jekk humiex se jiġu kkunsidrati offerti kontinġenti fuq il-bidliet fl-LSPA, eċċ.

Għal liema medda ta’ żmien għandhom ikunu vinkolanti l-offerti (eż. matul 72 siegħa), jekk matul il-Fażi 2.

Data Limitu: Għal self fejn qed jiġi akkumulat l-imgħax, x’se tkun id-data tal-kalkolu? Kif se jiġu indirizzati l-pagamenti tal-kapital u tal-imgħax riċevuti wara din id-data.

Skadenza tal-Offerta: Sa meta għandhom jiġu sottomessi l-offerti u jekk jiġux ikkunsidrati offerti tard.

Nomenklatura tal-Offerta: L-offerti għandhom jiġu sottomessi bħala perċentwal tal-bilanċ tal-kapital pendenti jew tal-valur kontabilistiku gross jew bħala ammont fil-munita tal-offerta, eċċ.?

Konferma tal-Offerta: Il-Bejjiegħ kif se jikkonferma r-riċevuta tal-offerta u x’għandu jagħmel l-offerent jekk jonqos milli jirċievi konferma

Kif se jiġu vvalutati l-Offerti: Pereżempju, x’se jkun il-proċess jekk jaslu offerti identiċi, il-Bejjiegħ huwa impenjat li jbigħ irrispettivament mill-valur tal-ogħla offerta, il-Bejjiegħ huwa kostrett li jbigħ lill-ogħla offerent, eċċ.

Għoti tal-Offerta: Kif se jiġu infurmati l-offerenti rebbieħa u telliefa?

Proċess tal-Għeluq: Għall-offerent rebbieħ, il-proċess u l-iskeda ta’ żmien għall-għeluq, pereżempju:

Depożitu ta’ bona fide. Jekk ikun meħtieġ depożitu, kif jiġi kkalkolat, x’inhi l-iskadenza, u f’liema ċirkostanzi jiġi rritornat.

L-eżekuzzjoni tal-LSPA. Meta huwa maħsub l-iffirmar?

Oħrajn: Fatturi oħrajn li jipprevedi l-Bejjiegħ. Eżempji ta’ dan jinkludu jekk il-Bejjiegħ joffrix finanzi, jekk hijiex meħtieġa approvazzjoni regolatorja, eċċ.

L-istadji preċedenti tal-proċess ta’ tħejjija ħolqu d-dokumenti u l-materjal kollha li se jkunu disponibbli għall-investitur. L-Inventarju tal-Materjal ta’ Diliġenza Dovuta se jistabbilixxi għat-tim tal-Bejjiegħ u għall-investituri potenzjali f’liema stadju se jiġi rilaxxat il-materjal. Ir-rilaxx tad-data huwa xprunat minn:

Liġijiet dwar il-Protezzjoni tad-Data: Il-Bejjiegħ irid jissalvagwardja u jimminimizza r-riskju ta’ ksur tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data.

Kwistjonijiet ta’ Kompetizzjoni: Il-bejjiegħa jistgħu jkunu jridu jirrestrinġu d-data li jaraw il-kompetituri, li tista’ tagħti vantaġġ lill-kompetituri tagħhom fuqhom.

Massimizzazzjoni tar-Rikavati u t-Trasparenza: Bħala regola ġenerali, aktar ma l-investituri potenzjali jkollhom aċċess malajr għall-materjal sħiħ ta’ Diliġenza Dovuta (tajjeb jew ħażin), aktar ikunu għoljin il-parteċipazzjoni u l-offerti.

Tħejjija tal-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess għall-Fażi tal-BO

Fi Proċess ta’ Żewġ Fażijiet, il-fażi tal-BO se tagħmel użu mid-dokumentazzjoni mħejjija fil-fażi tal-NBO preċedenti, b’mod partikolari l-Ittra ta’ Proċess bit-termini tal-bejgħ fiha. Il-VDR tista’ tagħti livelli ta’ permess akbar għat-tniżżil ta’ informazzjoni dettaljata fil-limiti tal-protezzjoni tad-data u tas-segretezza bankarja.

L-abbozz tal-LSPA huwa d-dokumentazzjoni ewlenija finali li għandha titħejja u tiġi rilaxxata fil-bidu tal-Fażi tal-BO. Is-suġġetti ewlenin li għandhom jiġu koperti fl-LSPA huma elenkati fl-Anness 6.

4.   Fażi ta’ Offerta Mhux Vinkolanti (Fażi 1)

4.1.   Attivitajiet ewlenin

L-objettiv ġenerali għall-Bejjiegħ huwa li jirċievi NBOs mill-Investituri kollha tal-Fażi 1 fid-Data tal-NBO fil-forma mitluba mill-Bejjiegħ.

Meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi segwit Proċess ta’ Żewġ Fażijiet, il-Bejjiegħ l-ewwel jitlob għal NBOs u mbagħad għal BOs. Bħala parti kritika mill-fażi ta’ tħejjija, il-Bejjiegħ għażel grupp xieraq ta’ investituri prospettivi u ġabar l-informazzjoni ta’ kuntatt korrispondenti. Il-Bejjiegħ (potenzjalment appoġġat mill-Fornituri Esterni tas-Servizzi) jidentifika u jgħaqqad lista ta’ Investituri xierqa tal-Fażi 1.

Fil-bidu tal-Fażi 1, il-Bejjiegħ għandu jipprovdi lil kull Investitur tal-Fażi 1 (i) bl-informazzjoni li tali investitur ġie ammess għall-Fażi 1; u (ii) skeda ta’ żmien speċifika/dettaljata li tistabbilixxi kull pass kbir, inklużi kwalunkwe data, dokument jew informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-Bejjiegħ.

L-attivitajiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

Jekk tintuża VDR: Il-ġestjoni tal-VDR tal-Investitur tal-Fażi 1 (inklużi l-ftuħ, il-ġestjoni tal-utenti u tal-aċċess, ir-rapportar tal-VDR, eċċ.)

It-tħejjija (kontinwa) tal-VDR tal-Investituri tal-Fażi 2

Id-divulgazzjoni tal-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-proċess għall-Fażi 1

Id-divulgazzjoni tas-siltiet tad-data (sinifikanti) lill-Investituri tal-Fażi 1

Il-ġestjoni ta’ Proċess (limitat) ta’ mistoqsijiet u tweġibiet jekk applikabbli minħabba l-kumplessità tal-perimetru u/jew l-għadd ta’ offerenti

L-għażla ta’ Tip ta’ Rkant għall-Fażi 2

Fakultattivi: il-forniment ta’ Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA lill-Investituri tal-Fażi 1

L-analiżi tal-NBOs li ġew sottomessi

L-għażla ta’ lista mqassra ta’ offerenti biex jiġu ammessi għall-Fażi 2

Il-finalizzazzjoni tal-portafoll li potenzjalment teskludi ċerti NPLs ineliġibbli mill-portafoll (i) jekk ma jaqblux (aktar) mal-kriterji tal-għażla oriġinali jew (ii) abbażi tat-talba raġonevoli tal-investituri.

4.2.   Tnedija tal-proċess ta’ offerti u d-distribuzzjoni tal-pakkett ta’ Informazzjoni

Il-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni jirrappreżentaw l-ewwel introduzzjoni formali tal-portafoll tal-NPL / tal-iskopertura unika għall-investituri. Dawn huma essenzjali biex iqanqlu l-interess tal-investituri u joħolqu l-ewwel impressjoni favorevoli. Flimkien mat-Teaser, id-dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ewlenin għal fażi tal-NBO tal-ewwel sessjoni huma l-Memorandum ta’ Informazzjoni, Silta tad-Data dwar is-Self (sinifikanti) (21) u l-Ittra ta’ Proċess.

L-Ittra ta’ Proċess tal-Fażi 1 tistabbilixxi r-regoli tal-fażi tal-NBO. Il-Bejjiegħ diġà jista’ jikkondividi l-abbozz tal-LSPA fil-Fażi 1, iżda ma hijiex prattika abitwali li l-investituri jintalbu jħejju Marġni Kummerċjali tal-Investitur fl-LSPA fil-Fażi 1 minħabba li (i) l-investituri jistgħu joqogħdu lura milli jonfqu flus (konsulent legali estern) u riżorsi fuq dan fil-Fażi 1 u (ii) il-Bejjiegħ ma jridx jirrieżamina l-Marġnijiet Kummerċjali tal-Investituri fl-LSPA tal-Investituri kollha tal-Fażi 1. Madankollu, jekk il-Bejjiegħ ikun irid juża kummenti dwar suġġetti kuntrattwali bħala kriterju tal-għażla, il-Bejjiegħ jista’ jagħżel li jiddistribwixxi Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA (konċiż) li jistipula l-parametri ewlenin li se jkun hemm fl-LSPA. Fuq din il-bażi, l-Investituri tal-Fażi 1 jistgħu jintalbu jissottomettu dikjarazzjoni dwar dawn il-parametri, flimkien mal-NBO tagħhom. Dan jippermetti lill-Bejjiegħ iqis il-preferenzi tal-Investituri tal-Fażi 1 qabel ma jgħaddi għall-Fażi 2, filwaqt li jappoġġa lill-Bejjiegħ biex jiżviluppa u jiffinalizza aktar l-abbozz tal-LSPA. Barra minn hekk, il-bejjiegħ jiġi infurmat jekk id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA fihx arranġamenti kuntrattwali li l-investituri kollha jew il-maġġoranza tagħhom jirrifjutaw.

Jekk LSPA mħejji b’mod professjonali ma jiġix rilaxxat għall-kummenti kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess, il-Bejjiegħ jesponi lilu nnifsu għar-riskju ta’ “negozjar mill-ġdid” (l-istrateġija ta’ negozjar tal-Akkwirent li juża n-negozjar tal-LSPA bħala opportunità biex jerġa’ jirkupra l-valur ekonomiku wara li jimpenja ruħu għal prezz tal-akkwist matul il-proċess tal-offerti). Għalhekk, huwa rrakkomandat li:

jiġi kondiviż Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA mal-investituri matul il-Fażi 1,

l-LSPA jitħejja fil-fażi ta’ tħejjija u jiġi ffinalizzat fil-Fażi 1, u jiġi rilaxxat mhux aktar tard mill-bidu tal-Fażi 2, u

l-investituri għandhom ikunu meħtieġa jissottomettu Marġnijiet Kummerċjali tal-Investituri fl-LSPA bħala parti mill-BOs tagħhom.

Flimkien mal-Ittra ta’ Proċess, il-materjali li għandhom jiġu riċevuti mill-Investituri tal-Fażi 1 se jkun fihom ukoll data dettaljata dwar il-portafoll fuq bażi lineari u, fejn applikabbli, aktar informazzjoni dettaljata rigward is-self kollu jew l-akbar self. L-Ittra ta’ Proċess jew parti oħra mill-materjali tal-Fażi 1 kondiviża mill-Bejjiegħ tistabbilixxi, fost l-oħrajn:

l-iskeda ta’ żmien dettaljata għall-Fażi 1 u idealment l-iskeda ta’ żmien diġà approssimattiva għall-Fażi 2. F’każ ta’ kwalunkwe dewmien min-naħa tal-Bejjiegħ, il-Bejjiegħ jikkomunika dan b’mod attiv immedjatament lill-Investituri kollha tal-Fażi 1, inkluża informazzjoni dwar il-posponiment tal-iskadenzi li oriġinarjament kienu kkomunikati mill-Bejjiegħ. L-iskeda ta’ żmien inizjalment ikkomunikata lill-Investituri tal-Fażi 1 għandha tkun realistika u l-bidliet għandhom isiru trasparenti sabiex il-Bejjiegħ iżomm reputazzjoni ta’ affidabbiltà;

l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-Bejjiegħ għall-format u l-kontenut tal-NBO. Huwa rakkomandabbli li l-Bejjiegħ jitlob mingħand l-Investituri tal-Fażi 1 li jispeċifikaw, pereżempju, kwalunkwe informazzjoni u talbiet ta’ Diliġenza Dovuta li jkollhom għall-Fażi 2, kif ukoll is-suppożizzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-NBO tagħhom, sabiex il-Bejjiegħ ikun jista’ jqis dan għall-ippjanar tal-Fażi 2 u jiddetermina skeda ta’ żmien realistika tal-Fażi 2.

Sal-punt li l-Bejjiegħ ikun għadda minn kwalunkwe xogħol ta’ Diliġenza Dovuta tal-Bejjiegħa (eż. rivalwazzjoni tal-proprjetà immobbli, kontrolli tal-konsistenza tas-silta tad-data dwar is-self, rieżami tad-dokumentazzjoni legali), jista’ jkun utli li jiġi ddivulgat l-ambitu ta’ tali Diliġenza Dovuta tal-Bejjiegħa fil-Fażi 1. Dan jippermetti lill-investituri jivvalutaw ix-xogħol potenzjali ta’ Diliġenza Dovuta meħtieġ fil-Fażi 2 u jikkunsidraw dan bħala parti mill-NBO tagħhom.

4.3.   Offerenti li jwettqu Diliġenza Dovuta inizjali

Wara li jirċievu l-materjali tal-Fażi 1 mingħand il-Bejjiegħ, l-Investituri tal-Fażi 1 iwettqu Diliġenza Dovuta inizjali bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli. Huma jistgħu jissottomettu wkoll għadd limitat ta’ mistoqsijiet biex jiċċaraw ċerti aspetti rigward l-NPLs (u l-kollateral sottostanti tagħhom, jekk applikabbli) lill-Bejjiegħ. Ikun hemm ukoll l-għażla li tippermetti mistoqsijiet u tweġibiet limitati mal-Investituri tal-Fażi 1, li diġà jistgħu jressqu mistoqsijiet (limitati) lill-Bejjiegħ. Dan jista’ jkun minħabba l-kumplessità potenzjali tal-perimetru tal-bejgħ u/jew l-għadd ta’ offerenti. Barra minn hekk, il-Bejjiegħ jista’ jiżviluppa linji gwida għall-Proċess aktar dettaljat ta’ mistoqsijiet u tweġibiet fil-Fażi 2. Matul din l-ewwel sessjoni, il-Bejjiegħ (potenzjalment appoġġat minn Fornituri Esterni tas-Servizzi) se jimmaniġġja l-mistoqsijiet tal-investituri f’fajl ċentralizzat u sussegwentement iħejji tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jew jipprovdi materjal ta’ appoġġ biex jindirizza t-tħassib inizjali tal-investituri. B’mod parallel, il-Bejjiegħ se jkompli t-tħejjija tal-materjal (addizzjonali) rilevanti għat-tieni sessjoni.

4.4.   Sottomissjoni ta’ Offerti Mhux Vinkolanti mill-offerenti u l-għażla tal-offerenti fil-lista mqassra li għandhom jgħaddu għat-tieni sessjoni

Skont it-tip ta’ tranżazzjoni jew struttura ta’ portafoll, il-Bejjiegħ (potenzjalment appoġġat minn Fornituri Esterni tas-Servizzi) se jitlob mingħand l-Investituri tal-Fażi 1 NBO fil-perjodu ta’ żmien kif stabbilit mill-Bejjiegħ fl-Ittra ta’ Proċess jew f’materjali oħrajn. Ladarba l-NBOs jiġu riċevuti, il-Bejjiegħ iqabbilhom u janalizzahom, li jirriżulta f’Rapport ta’ Analiżi tal-NBOs. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jsiru diskussjonijiet qosra ta’ segwitu ma’ investituri individwali biex jiġu ċċarati xi aspetti tal-NBOs rispettivi tagħhom.

L-eżitu tal-Fażi 1 huwa li l-Bejjiegħ jitħalla jagħżel l-Investituri tal-Fażi 1 magħżula f’lista mqassra u jkompli l-proċess tal-bejgħ billi jipprovdi aċċess għal data kunfidenzjali aktar dettaljata u informazzjoni dwar il-portafoll tal-NPL lill-Investituri tal-Fażi 2 magħżula. Fl-aħħar nett, l-investituri li ma jintgħażlux biex jipproċedu għall-Fażi 2 għandhom jiġu nnotifikati malajr kemm jista’ jkun biex isaħħu r-reputazzjoni tal-Bejjiegħ bħala parteċipant affidabbli u trasparenti fis-suq.

5.   Fażi ta’ Offerta Vinkolanti (Fażi 2)

5.1.   Attivitajiet ewlenin

L-objettiv huwa li l-Bejjiegħ jirċievi l-BOs mingħand l-Investituri kollha tal-Fażi 2 fid-Data tal-BO fil-forma mitluba mill-Bejjiegħ fil-Linji Gwida tal-BO.

L-attivitajiet ewlenin jinkludu dawn li ġejjin:

L-għoti ta’ Ittra ta’ Proċess lill-Investituri tal-Fażi 2

L-għoti ta’ Linji Gwida tal-BO lill-Investituri tal-Fażi 2

L-għoti ta’ Data u Dokumenti tal-Fażi 2 lill-Investituri tal-Fażi 2

L-għoti ta’ abbozz tal-LSPA lill-Investituri tal-Fażi 2

Il-ġestjoni tal-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet

Fakultattivi: L-organizzazzjoni tal-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni u l-ġbir fil-qosor/il-forniment tal-eżitu lill-Investituri kollha tal-Fażi 2

L-organizzazzjoni tal-irkant

L-analiżi tal-Ittri tal-BO sottomessi u l-Marġnijiet Kummerċjali tal-Investituri fl-LSPA

L-għażla tal-Offerent Ippreferut/tal-Akkwirent

Fakultattivi: Il-Proċess tal-KYC

Il-finalizzazzjoni tal-portafoll (kontinwazzjoni mill-fażi mhux vinkolanti)

5.2.   Riżultati Tanġibbli tal-Bejjiegħ

Informazzjoni tal-Proċess

Fil-bidu tal-Fażi 2, il-Bejjiegħ jipprovdi lil kull Investitur tal-Fażi 2:

(i)

bl-informazzjoni li tali investitur ġie ammess għall-Fażi 2;

(ii)

bi skeda ta’ żmien speċifika/dettaljata li tistabbilixxi kull pass ewlieni, inklużi kwalunkwe data, dokument jew informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-Bejjiegħ. Din l-iskeda ta’ żmien għandha tkun realistika u kwalunkwe bidla li tkun saret għandha tkun trasparenti kemm jista’ jkun, sabiex tiġi ppreservata r-reputazzjoni tal-affidabbiltà tal-Bejjiegħ; u

(iii)

b’informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-Bejjiegħ għall-format u l-kontenut tal-BO. Huwa rakkomandabbli li l-Bejjiegħ jitlob mingħand l-Investituri tal-Fażi 2 li jispeċifika, pereżempju, is-suppożizzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-BO tagħhom.

L-informazzjoni dwar il-proċess tista’ tingħata permezz ta’ Ittra ta’ Proċess iffirmata b’mod elettroniku.

Linji Gwida tal-BO

Fil-bidu tal-Fażi 2 (u spiss bħala parti mill-informazzjoni tal-proċess): il-Bejjiegħ jipprovdi lil kull Investitur tal-Fażi 2 bil-Linji Gwida tal-BO li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-Bejjiegħ fir-rigward tal-format u l-kontenut tal-BO.

Data u Dokumenti tal-Fażi 2

Fil-bidu tal-Fażi 2: id-Data u d-Dokumenti tal-Fażi 2 jiġu pprovduti lill-Investituri kollha tal-Fażi 2. Kwalunkwe kost, li, abbażi tal-abbozz tal-LSPA jitħallas mill-Akkwirent, jiġi kkomunikat bħala parti minn dan.

Diliġenza Dovuta (Dokumentazzjoni)

Fil-bidu tal-Fażi 2: il-komunikazzjoni ta’ slots tal-ħin ta’ Diliġenza Dovuta fiżika jew il-forniment ta’ Dokumentazzjoni ta’ Diliġenza Dovuta virtwali lill-Investituri kollha tal-Fażi 2.

Abbozz tal-LSPA

Fil-bidu jew fil-Fażi 2 jew ftit wara: abbozz tal-LSPA li għandu jiġi pprovdut lill-Investituri tal-Fażi 2.

Data u Dokumenti addizzjonali tal-Fażi 2

Kontinwament: potenzjalment, fuq talba ta’ Investitur wieħed jew aktar tal-Fażi 2, jew hekk kif issir disponibbli informazzjoni aġġornata, il-Bejjiegħ jipprovdi informazzjoni addizzjonali/aġġornata lill-Investituri kollha tal-Fażi 2.

Tweġibiet fi Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet

Kontinwament: Il-Bejjiegħ għandu jipprovdi tweġibiet f’waqthom għall-mistoqsijiet li jsiru fil-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Fakultattivi: Preżentazzjoni għal-Laqgħa tal-Ġestjoni u Sejbiet minnha

Wara l-Laqgħa tal-Ġestjoni: Jekk il-Bejjiegħ jorganizza Laqgħa tal-Ġestjoni waħda jew aktar fejn tiġi kondiviża preżentazzjoni, tali preżentazzjoni u sejbiet rilevanti mil-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni għandhom jiġu kondiviżi mal-Investituri kollha tal-Fażi 2.

Fakultattivi: Snapshot tal-VDR Finali

Jekk il-Bejjiegħ juża VDR u jkun jixtieq jorbot ċerti R&Ws ma’ Kwalifikatur tad-Divulgazzjoni, il-Bejjiegħ jista’ jissejvja “snapshot” tal-informazzjoni kollha inkluża fil-VDR, li mbagħad jista’ jiġi pprovdut b’mod elettroniku lill-Akkwirent mal-Iffirmar.

5.3.   L-aħjar prattiki

Informazzjoni tal-Proċess u t-Twaqqit

L-informazzjoni tal-proċess li l-Bejjiegħ jipprovdi lill-Investituri tal-Fażi 2 għandha tkun tinkludi mill-inqas:

(i)

id-dati li fihom ċerti data, dokumenti jew informazzjoni mistennija jsiru disponibbli għall-Investituri tal-Fażi 2 (inklużi d-Data u d-Dokumenti tal-Fażi 2, kif ukoll l-abbozz tal-LSPA),

(ii)

id-dati li fihom l-Investituri tal-Fażi 2 huma mistennija li jipprovdu ċerti riżultati tanġibbli (inklużi d-Data tal-BO u d-data li fiha l-Marġni Kummerċjali tal-Investitur fl-LSPA jiġi sottomess mill-Investituri tal-Fażi 2);

(iii)

aktar informazzjoni: pereżempju, il-lingwa/i tal-abbozz tal-LSPA, il-kontenut speċifiku għandu jinkludi l-BO u l-forma li fiha tiġi sottomessa l-BO (jekk applikabbli), il-format speċifiku li għandu jkollhom il-mistoqsijiet fi Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, eċċ.

(iv)

jekk, meta u f’liema forma tiġi/jiġu ppjanata/i l-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni, pereżempju, jekk hux se jkun hemm laqgħa waħda għall-Investituri kollha tal-Fażi 2 jew laqgħat individwali għall-Investituri tal-Fażi 2, jekk il-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni humiex se jsiru b’mod fiżiku jew virtwali, min se jieħu sehem min-naħa tal-Bejjiegħ u x’inhuma r-rwoli u l-għarfien espert tal-persuni, eċċ.

Sabiex imexxi proċess effiċjenti, trasparenti u affidabbli, il-Bejjiegħ għandu:

(i)

jippjana bir-reqqa u jistabbilixxi skeda ta’ żmien raġonevoli ġenerali tal-Fażi 2;

(ii)

jiddetermina t-twaqqit ikkomunikat lill-Investituri tal-Fażi 2 b’mod li jippermetti ċertu “buffer” għal dewmien mhux mistenni;

(iii)

jinforma b’mod attiv lill-Investituri tal-Fażi 2 f’każ li xi riżultati tanġibbli tal-Bejjiegħ jittardjaw;

(iv)

jadatta l-iskadenzi għar-riżultati tanġibbli tal-Investituri tal-Fażi 2 (prinċipalment il-BO u l-Marġni Kummerċjali tal-Investitur fl-LSPA) f’każ ta’ dewmien tar-riżultati tal-Bejjiegħ;

(v)

jestendi l-iskadenzi għall-Investituri kollha tal-Fażi 2 u mhux għal Investituri uniċi tal-Fażi 2.

Innota li l-investituri tal-NPL normalment ikunu investituri b’esperjenza li jistgħu jadattaw għal proċessi differenti. Karatteristika importanti ħafna jew saħansitra l-aktar importanti tal-proċess tal-offerti għall-investituri tkun li l-proċess jitmexxa b’mod effiċjenti, trasparenti u affidabbli, fejn l-investituri kollha jiġu ttrattati b’mod ġust.

Data u Dokumenti tal-Fażi 2/Dokumentazzjoni tad-Diliġenza Dovuta

Ġenerali: Id-Data u d-Dokumenti kollha tal-Fażi 2 kellhom jitħejjew jew fil-fażi ta’ tħejjija jew inkella l-aktar tard matul il-Fażi 1. Fi Proċess ta’ Żewġ Fażijiet, il-Bejjiegħ jista’ jkun li jkun irċieva talbiet għal data/informazzjoni/dokumentazzjoni matul il-Fażi 1 u jekk il-Bejjiegħ jista’ u jkun irid jipprovdi tali data/informazzjoni/dokumentazzjoni, dawn għandhom jitħejjew qabel ma tibda l-Fażi 2. Speċjalment fi Proċess ta’ Fażi Waħda, Bejjiegħ (mingħajr esperjenza) irid ikun ippreparat li t-talbiet għal data/informazzjoni/dokumentazzjoni jsiru matul il-Fażi ta’ Offerta Vinkolanti u l-Bejjiegħ irid jiddetermina kif dawn għandhom jiġu ttrattati, pereżempju, pjan sabiex il-persuni interni rilevanti jkunu disponibbli biex iħejju data u informazzjoni addizzjonali matul il-Fażi kollha tal-Offerta Vinkolanti.

Dokumentazzjoni tad-Diliġenza Dovuta: Il-Bejjiegħ għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji jew ir-raġunijiet tal-għażla skont id-data u d-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti fid-Diliġenza Dovuta, kif ukoll l-inklużjonijiet jew l-esklużjonijiet potenzjali fir-rigward tal-oġġett tal-bejgħ fil-proċess. Il-Bejjiegħ għandu jkun imħejji għall-possibbiltà li l-Investituri tal-Fażi 2 jitolbu wkoll Dokumentazzjoni tad-Diliġenza Dovuta għal każijiet li jkunu għażlu jekk l-għażla tal-Bejjiegħ ma tidhirx li tkopri kampjun statistiku aleatorju ta’ daqs rilevanti. Diliġenza Dovuta addizzjonali tal-Bejjiegħ li tista’ tiġi pprovduta lill-Investituri tal-Fażi 2 tinkludi r-rivalwazzjonijiet tal-proprjetà, ir-Rapport tal-AUP, id-Diliġenza Dovuta Legali, eċċ.

Twaqqit tad-Diliġenza Dovuta: L-aċċess għad-Diliġenza Dovuta fiżika għandu jiġi organizzat fiż-żmien xieraq fil-Fażi 2 – “la kmieni wisq u lanqas tard wisq”: L-Investituri tal-Fażi 2 għandu jkollhom ċans li jiksbu ħarsa ġenerali lejn l-NPLs u d-data rispettiva qabel ma jwettqu d-Diliġenza Dovuta. L-aċċess għad-Diliġenza Dovuta fiżika għandu jiġi pprovdut fl-ewwel nofs tal-Fażi 2. Jekk id-Dokumentazzjoni tad-Diliġenza Dovuta tiġi pprovduta b’mod virtwali lill-Investituri tal-Fażi 2, din għandha tiġi pprovduta mill-aktar fis possibbli matul il-Fażi 2.

Abbozz tal-LSPA

Minbarra d-Data u d-Dokumenti tal-Fażi 2, anki l-istipulazzjonijiet tal-LSPA (eż. R&Ws) jistgħu jinfluwenzaw il-prezzijiet li bihom se jressqu l-offerti l-Investituri tal-Fażi 2. Il-Bejjiegħ għandu jippjana l-proċess madwar l-LSPA diġà fil-fażi tat-tħejjija. Għandu jiġi pprovdut abbozz lill-Investituri tal-Fażi 2 mhux aktar tard minn 3 ġimgħat qabel l-iskadenza (normalment id-Data tal-BO) li l-Bejjiegħ ikun jixtieq jistabbilixxi għall-Marġni Kummerċjali tal-Investitur fl-LSPA. Idealment, speċjalment jekk il-Bejjiegħ ma jkunx ikkondivida Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-LSPA fil-Fażi 1, l-abbozz ta’ LSPA għandu jiġi pprovdut lill-Investituri tal-Fażi 2 fil-bidu nett tal-Fażi 2.

Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet

Sabiex jorganizza Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet b’mod effiċjenti, affidabbli u trasparenti, il-Bejjiegħ jista’ jieħu l-passi li ġejjin:

(i)

jiddetermina l-format li bih għandhom isiru l-mistoqsijiet.

(ii)

jistabbilixxi l-iskadenzi kemm għall-mistoqsijiet kif ukoll għat-tweġibiet, eż. il-mistoqsijiet għandhom dejjem isiru sal-Ġimgħa u t-tweġibiet għandhom jingħataw sa nhar l-Erbgħa ta’ wara matul il-Fażi 2.

(iii)

jistabbilixxi numru massimu raġonevoli ta’ mistoqsijiet li għandhom isiru minn kull Investitur tal-Fażi 2.

(iv)

jikkondividi t-tweġibiet (u forsi l-mistoqsijiet korrispondenti) mal-Investituri kollha tal-Fażi 2. Jinforma lill-Investituri tal-Fażi 2 dwar dan qabel ma jibda l-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet sabiex b’hekk l-Investituri tal-Fażi 2 ma jinkludux informazzjoni kunfidenzjali proprja fil-mistoqsijiet tagħhom.

Fakultattivi: L-organizzazzjoni tal-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni

Kemm it-twaqqit kif ukoll il-kontenut tal-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni għandhom jitħejjew jew fil-fażi ta’ tħejjija jew inkella matul il-Fażi 1. Karatteristiċi importanti ta’ Laqgħa tal-Ġestjoni jistgħu jkunu:

(i)

preżentazzjoni li tipprovdi sfond dwar l-NPLs li għandhom jinbiegħu, it-titoli sottostanti, l-attivitajiet ta’ workout/qabel l-ipproċessar, eċċ.

(ii)

l-aċċess għal impjegat wieħed jew aktar tal-Bejjiegħ li jkollu għarfien profond tal-NPLs li għandhom jinbiegħu, inklużi rekwiżiti għall-għoti ta’ self fiż-żmien tal-oriġinazzjoni tal-NPLs, titoli sottostanti, kif ukoll azzjonijiet workout preċedenti, eċċ.

Minn perspettiva ta’ twaqqit, sabiex il-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni ikunu l-aktar effettivi, dawn “la għandhom iseħħu kmieni wisq u lanqas tard wisq”:

(i)

Il-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni għandha/għandhom tiġi/jiġu skedata/i fi żmien meta l-Investituri tal-Fażi 2 diġà kellhom iċ-ċans li jiffamiljarizzaw ruħhom mad-data u d-dokumenti, inklużi t-titoli f’każ ta’ NPLs garantiti minn proprjetà immobbli;

(ii)

Il-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni għandha/għandhom issir/isiru mhux inqas minn ġimagħtejn qabel id-Data tal-BO sabiex l-Investituri tal-Fażi 2 jingħataw l-opportunità li jinkludu l-informazzjoni miġbura matul il-Laqgħa tal-Ġestjoni fil-valwazzjoni tagħhom tal-NPLs.

Sabiex imexxi proċess effiċjenti u trasparenti, il-Bejjiegħ għandu jiġbor fil-qosor ir-riżultati u l-informazzjoni prinċipali mil-Laqgħa(t) tal-Ġestjoni u jqassamhom lill-Investituri kollha tal-Fażi 2. Bħala eżempju prattiku: jekk f’Laqgħa tal-Ġestjoni waħda ma’ Investitur tal-Fażi 2 jirriżulta li titolu, li kien immarkat bħala “ipoteka tal-ewwel grad”, fir-realtà huwa “ipoteka tat-tieni grad”, il-Bejjiegħ għandu jiddivulga din l-informazzjoni lill-Investituri kollha tal-Fażi 2.

Linji Gwida u Format tal-BO

Il-Bejjiegħ jeħtieġ li jiddetermina, idealment qabel il-bidu tal-ispeċifikazzjonijiet tal-Fażi 2 rigward il-BO, li l-Bejjiegħ jixtieq li l-Investituri tal-Fażi 2 jikkonformaw magħhom. Il-Linji Gwida tal-BO idealment jiġu pprovduti fil-bidu tal-Fażi 2 flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-proċess u t-twaqqit. L-ispeċifikazzjonijiet rigward il-BO jistgħu jirreferu għal:

(i)

il-format, eż. format pdf iffirmat,

(ii)

il-kunsinna, eż. għandhom jitwasslu bil-posta elettronika fid-Data tal-BO lill-persuna/i XYZ,

(iii)

il-kontenut, eż. Investitur tal-Fażi 2 għandu jsemmi l-entità tal-akkwist, l-entità tas-servizzjar maħsuba; jekk il-BO hijiex soġġetta għal finanzjament, kwalunkwe kundizzjoni jew kwalunkwe approvazzjoni interna; fuq liema suppożizzjonijiet hija bbażata l-BO; għal kemm żmien se tkun valida l-BO, eċċ.

(iv)

l-ipprezzar, eż. jekk portafoll tal-NPL jinqasamx f’subportafolli: jekk l-Investituri tal-Fażi 2 għandhomx jipprovdu prezzijiet fuq il-portafoll ġenerali, kif ukoll fuq subportafolli.

(v)

l-ipprezzar gross/nett, eż. il-BO tispeċifika jekk il-prezz tal-akkwist offrut huwiex l-ammont finali li jkun pagabbli lill-Bejjiegħ (“nett”) jew jekk huwiex il-prezz gross, jiġifieri f’każ li Data Limitu fil-passat tkun ġiet iddeterminata mill-Bejjiegħ, tali prezz gross jitnaqqas bir-rikavati riċevuti fir-rigward tal-NPLs mid-Data Limitu; fil-prattika ma huwiex possibbli li jissemma l-prezz nett fir-rigward tal-NPLs li għalihom tkun ġiet assenjata Data Limitu, minħabba li la l-Investitur tal-Fażi 2 u lanqas il-Bejjiegħ ma jistgħu jkunu jafu r-rikavati li se jiġu riċevuti bejn id-Data tal-BO u l-Iffirmar/l-għeluq tat-tranżazzjoni.

(vi)

is-sessjonijiet tal-offerti u t-Tip ta’ Rkant, pereżempju, il-Bejjiegħ jista’ jitlob BO ssiġillata kwalifikanti, irkant bil-ħin jew kombinazzjoni tat-tnejn.

Innota li mhux l-Investituri kollha tal-Fażi 2 jistgħu jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitluba mill-Bejjiegħ, eż. jekk Investitur tal-Fażi 2 ikun interessat biss li jakkwista l-portafoll kollu, huma jistgħu ma jkunux lesti li jispeċifikaw l-ipprezzar għal kull subportafoll. Barra minn hekk, speċjalment għal NPLs garantiti, l-Investituri tal-Fażi 2 jistgħu ma jkunux lesti li jipprovdu l-ipprezzar għal kull oġġett, minħabba li dan jiddivulga l-valur li huma jallokaw lil kull NPL (u/jew il-kollateral korrispondenti) u billi l-Investitur tal-Fażi 2 ma jistax ikun ċert li jsir l-Offerent Ippreferut, huma jistgħu ma jiddivulgawx din l-informazzjoni li jqisu bħala riżultat speċifiku ħafna tad-Diliġenza Dovuta (għalja) tagħhom.

Fakultattivi: Tipi ta’ Rkant

It-“tip ta’ rkant ta’ inadempjenza” li l-Bejjiegħ jista’ juża faċilment huwa l-hekk imsejjaħ approċċ ta’ offerta ssiġillata fejn il-Bejjiegħ jitlob lill-Investituri kollha tal-Fażi 2 jipprovdu l-BO tagħhom fid-Data tal-BO lill-Bejjiegħ. Dan tal-aħħar imbagħad jirrevedi u jiddeċiedi dwar l-Offerent Ippreferut. Hemm tipi oħrajn ta’ rkant bħall-irkantijiet Ingliżi, Olandiżi jew Ġappuniżi offruti mill-pjattaformi tal-irkantijiet jew tat-tranżazzjonijiet. Ħarsa ġenerali lejn it-tipi ewlenin ta’ rkant tista’ tinstab fl-Anness 4.

Jista’ jkun aktar faċli għall-bejjiegħa bi ftit jew l-ebda rekord fil-bejgħ tal-NPL li jagħżlu l-approċċ ta’ offerta ssiġillata li jagħti lill-Bejjiegħ l-opportunità li jirrieżamina fid-dettall il-BOs kollha qabel ma jimpenja ruħu lejn Offerent Ippreferut. B’mod ġenerali, offerta ssiġillata hija rakkomandabbli meta t-termini tal-BOs jistgħu jvarjaw bejn l-Investituri tal-Fażi 2 għajr skont il-prezz (eż. it-termini fl-LSPA u l-R&Ws, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament, jew iċ-ċertezza tal-eżekuzzjoni pperċepita). Madankollu, fl-offerta ssiġillata, l-Investituri tal-Fażi 2 ma għandhom l-ebda informazzjoni dwar il-prezzijiet l-oħrajn tal-Investituri tal-Fażi 2 u jistgħu jibżgħu li jagħmlu offerta għolja wisq.

Irkant Ingliż jista’ jikseb riżultati ottimali għal gruppi omoġenji iżgħar ta’ NPL mhux garantit tal-konsumaturi fejn il-kost tad-Diliġenza Dovuta jkun modest u ħafna investituri jkunu lesti li jipparteċipaw.

Fakultattivi: Offerta Parzjali

Għal portafolli eteroġeni akbar tal-NPL, li jistgħu jinqasmu f’subportafolli aktar omoġenji, struttura ta’ rkant tista’ tkun ottimali fejn l-Investituri tal-Fażi 2 jipprezzaw is-subportafolli individwalment. Il-Bejjiegħ (potenzjalment bl-appoġġ tal-Fornituri Esterni tas-Servizzi) jista’ mbagħad iqabbel kull subportafoll tal-NPL mal-ogħla prezz. Din l-hekk imsejħa offerta parzjali tista’ żżid il-prezz totali tal-bejgħ u tista’ tnaqqas l-ostakli għall-investituri biex jipparteċipaw. Madankollu, it-trattament ma’ aktar minn Offerent Ippreferut wieħed u Akkwirent wieħed iżid il-kumplessità għall-Bejjiegħ fl-għeluq u s-saldu tat-tranżazzjoni u, b’hekk, jista’ jżid il-kost tal-Bejjiegħ u r-riżorsi interni meħtieġa biex titlesta t-tranżazzjoni. Il-bejjiegħa għandhom ikunu konxji li mhux l-Investituri kollha tal-Fażi 2 jistgħu jkunu lesti li jagħmlu offerti fuq subportafolli tal-NPL: L-Investituri tal-Fażi 2 li jkunu qed ifittxu li jakkwistaw portafoll tal-NPL potenzjalment kbir jistgħu jirtiraw mill-proċess meta jintalbu jressqu offerti fuq subportafolli iżgħar. L-Investituri tal-Fażi 2 iqisu d-Diliġenza Dovuta u kostijiet oħrajn tat-tranżazzjonijiet (pereżempju, konsulent legali estern, struttura tal-akkwist) meta jiddeċiedu f’liema daqs ta’ portafoll tal-NPL għandhom jinvestu.

Xi bejjiegħa jitolbu prezzijiet għal kull oġġett (“per-item prices” - PIP) bħala parti mill-BO bl-intenzjoni li jallokaw is-self lill-ogħla offerent rispettiv. BO PIP hija komuni għall-bejgħ ta’ self sindakat kbir u inqas komuni f’portafolli granulari fejn il-Bejjiegħ ikollu l-ħsieb li jagħżel Offerent Ippreferut wieħed biss. Il-Fornituri Esterni tas-Servizzi jistgħu jgħinu biex tinstab l-aħjar allokazzjoni tal-portafoll f’BO PIP, filwaqt li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet tal-investituri, bħall-ammonti minimi ta’ allokazzjoni u l-kompożizzjonijiet tal-portafoll fil-mira. Il-bejjiegħa għandhom ikunu konxji li l-Investituri tal-Fażi 2 jistgħu joqogħdu lura milli jipprovdu pprezzar għal kull oġġett minħabba li dan jiddivulga l-valur li huma jallokaw lil kull NPL (u/jew il-kollateral korrispondenti fil-każ ta’ NPLs garantiti) u billi l-Investitur tal-Fażi 2 ma jistax ikun ċert li jsir l-Offerent Ippreferut, huma jistgħu ma jiddivulgawx din l-informazzjoni li jqisu bħala riżultat speċifiku ħafna tad-Diliġenza Dovuta (għalja) tagħhom. Barra minn hekk, billi l-investituri huma sensittivi għall-kostijiet, qasma f’unitajiet iżgħar tista’ tiskoraġġixxi lill-investituri minħabba li se jġarrbu l-istess kostijiet jew kostijiet simili għall-għeluq tat-tranżazzjonijiet (eż. konsulent legali estern) bħalma jagħmlu għall-portafoll kollu tal-NPL.

Fakultattivi: Il-proċess tal-KYC

Il-Bejjiegħ jista’ jibda l-proċess tal-KYC tal-Investituri kollha tal-Fażi 2 matul il-Fażi 2 bil-għan li jkun iffinalizza l-kontrolli tal-KYC sad-Data tal-BO. Inkella, il-Bejjiegħ jista’ jiddeċiedi li jwettaq verifika tal-KYC biss tal-Offerent Ippreferut (22).

Pro KYC tal-Investituri kollha tal-Fażi 2 qabel id-Data tal-BO: Meta janalizza l-BOs, il-Bejjiegħ se jkollu ċ-ċertezza li l-Investituri kollha tal-Fażi 2 jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-KYC tal-Bejjiegħ. Dan jista’ jkun ta’ għajnuna jekk il-Bejjiegħ ikollu data fissa (eż. tmiem is-sena tan-negozju) sa meta trid tiġi ffinalizzata t-tranżazzjoni, sakemm ma jkunx hemm biżżejjed żmien biex tiġi rieżaminata d-dokumentazzjoni tal-KYC tal-Offerent Ippreferut wara li jkun intgħażel l-Offerent Ippreferut.

Contra KYC tal-Investituri kollha tal-Fażi 2 qabel id-Data tal-BO: Id-dipartiment tal-konformità tal-Bejjiegħ se jkollu jirrieżamina d-dokumentazzjoni tal-KYC ipprovduta minn diversi investituri. Jekk il-Bejjiegħ jibda biss il-kontroll tal-KYC ladarba jkun intgħażel l-Offerent Ippreferut, jeħtieġ li jiġi rieżaminat sett wieħed biss ta’ dokumentazzjoni tal-KYC. Jekk l-Investituri tal-Fażi 2 ikunu parteċipanti fis-suq magħrufa u preżuntement ta’ fama, il-Bejjiegħ jista’ jiddeċiedi li jipposponi l-kontroll tal-KYC sabiex ikun jista’ jibda ladarba jintgħażel l-Offerent Ippreferut. Dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-Investituri tal-Fażi 2, minħabba li ma jonfqux riżorsi fuq proċess tal-KYC inutli.

Analiżi tal-Ittri tal-BO sottomessi

Qabel ma jirċievi l-BOs, il-Bejjiegħ għandu jiddetermina l-fattur(i) deċiżiv(i) għad-deċiżjoni dwar l-Offerent Ippreferut, eż.:

(i)

l-enfasi se tkun prinċipalment/purament fuq l-aħjar prezz?

(ii)

jekk u kif se jitqiesu fatturi oħrajn, bħal rendikont rigward l-għeluq ta’ tranżazzjonijiet simili, kapaċitajiet ta’ servizzjar (interni jew esterni), ir-reputazzjoni tal-Investitur tal-Fażi 2, kif ukoll is-servizzjant tal-NPL maħsub, id-disponibbiltà tal-finanzjament, eċċ.

Il-Bejjiegħ imbagħad iqabbel u janalizza l-offerti differenti tal-Investituri tal-Fażi 2, li jirriżultaw fir-Rapport ta’ Analiżi tal-BOs. Jekk il-Bejjiegħ ikollu bżonn xi kjarifika fir-rigward ta’ kwalunkwe BO, hija prattika tas-soltu li l-Bejjiegħ jikkuntattja lill-Investitur speċifiku tal-Fażi 2. Madankollu, fl-interess tal-kunfidenzjalità, l-affidabbiltà u t-trasparenza, il-Bejjiegħ ma għandu jikkondividi l-ebda informazzjoni rigward il-BOs ta’ Investituri oħrajn tal-Fażi 2 u l-Bejjiegħ għandu juża biss tali kuntatt dirett għal kjarifiki (pereżempju, l-ebda talba għal żieda fil-prezz sabiex Investitur wieħed biss tal-Fażi 2 jingħata ċ-ċans li jaqbeż il-prezzijiet tal-Investituri l-oħrajn tal-Fażi 2).

Deċiżjoni dwar l-Offerent Ippreferut/l-Akkwirent

Hekk kif il-Bejjiegħ ikun iddeċieda dwar Offerent Ippreferut, tali Investitur tal-Fażi 2 se jiġi infurmat normalment bil-miktub u jibdew in-negozjati finali dwar l-LSPA, inklużi suġġetti prattiċi li għandhom jiġu ttrattati (eż., il-format u ż-żmien rigward il-forniment ta’ data u dokumenti kemm b’mod elettroniku kif ukoll b’mod stampat, it-trażmissjoni ta’ ittri ta’ notifika lill-mutwatarji wara l-bejgħ, eċċ.). Sakemm ma jseħħux ostakli kbar, li ma kinux previsti mill-Bejjiegħ, l-Offerent Ippreferut isir l-Akkwirent.

Il-bejjiegħa normalment jinformaw lill-Investituri tal-Fażi 2 li ma rnexxewx malli jintgħażel l-Offerent Ippreferut. L-Investituri l-oħrajn tal-Fażi 2 eventwalment se jirrealizzaw li ma ntgħażlux bħala l-Offerent Ippreferut. Madankollu, fl-interess tat-trasparenza u biex ma jiġux aljenati l-Investituri tal-Fażi 2 għal tranżazzjonijiet futuri, il-Bejjiegħ għandu jikkunsidra komunikazzjoni diretta. Barra minn hekk, fil-każ improbabbli li t-tranżazzjoni mal-Offerent Ippreferut taqa’, il-Bejjiegħ jista’ jkun irid jikkuntattja lill-Investitur tal-Fażi 2 li jkun issottometta t-tieni l-aħjar BO.

6.   Iffirmar tat-tranżazzjoni u għeluq

6.1.   Attivitajiet ewlenin

L-attivitajiet ewlenin għal din il-fażi huma dawn li ġejjin:

Il-ħruġ bla xkiel mill-portafoll ladarba jitlesta l-bejgħ tal-NPL

L-eżekuzzjoni tal-LSPA u, jekk applikabbli, aktar dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet

Għeluq finanzjarju

Il-finalizzazzjoni tat-tħejjija tat-trasferiment tad-data u tad-dokumenti

In-negozjar u l-qbil fuq it-tranżizzjoni tas-servizzjar tal-NPL mis-servizzjant li qed jaġixxi bħalissa għall-Akkwirent jew għas-servizzjant tiegħu

Il-kontabilità tat-tranżazzjoni

Mal-Għeluq: Proċess ta’ migrazzjoni: it-trasferiment tal-NPLs u tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti lill-Akkwirent biex jiġi żgurat onboarding mingħajr xkiel

B’mod aktar konkret, jeħtieġ li jittieħdu l-passi li ġejjin, maqsuma skont il-qasam:

Legali

Il-komunikazzjoni mal-Offerent(i) Ippreferut(i) dwar il-kwistjonijiet kollha, inkluża l-wasla ta’ konferma li jiġu stabbiliti l-mezz(i) tal-akkwist u li jkunu disponibbli l-fondi meħtieġa

In-negozjar tal-Marġnijiet Kummerċjali tal-Investituri fl-LSPA mal-Offerent Ippreferut

Finalizzazzjoni u iffirmar tal-LSPA

Il-bidu/finalizzazzjoni tar-rikonċiljazzjoni dwar suġġetti prattiċi u rekwiżiti mas-servizzjant tal-kreditu (li għandu jingħata mandat mill-Offerent Ippreferut), jekk meħtieġ, għall-perjodu ta’ wara l-Għeluq

Għeluq finanzjarju

L-aġġornar tal-informazzjoni tal-portafoll u/jew l-għoti ta’ data aġġornata dwar il-ġbir, kif meħtieġ

Għeluq finanzjarju: l-iżgurar li r-responsabbiltà u t-twaqqit jiġu kondiviżi fost il-partijiet

L-implimentazzjoni tal-arranġamenti tal-għeluq (pereżempju, f’każ ta’ prezz tal-akkwist differit)

Il-Bejjiegħ għandu joħroġ fattura lill-Offerent Ippreferut bil-kost tas-servizzjar u/jew bil-kostijiet tal-irkupru appoġġati mid-Data Limitu (jekk ikun maqbul hekk fl-LSPA)

Operazzjonali

Jekk applikabbli: Il-ġestjoni kontinwa tal-VDR (inkluża t-tneħħija ta’ offerenti mhux ippreferuti), l-għeluq u t-tħejjija tal-arkivji tal-VDR

Jibdew isiru l-arranġamenti interni meħtieġa għal kif il-Bejjiegħ se jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-LSPA lill-Akkwirent wara l-Għeluq

Il-previżjoni tat-trasferiment elettroniku u fiżiku tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni tas-self (abbażi tal-perimetru finali)

Il-ġestjoni kontinwa tal-Proċess ta’ mistoqsijiet u tweġibiet (jekk meħtieġ) u/jew il-komunikazzjoni diretta, inkluża r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet miftuħa u t-trażmissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li tappoġġa t-tranżizzjoni tas-servizzjar tal-NPLs lill-Akkwirent jew lil servizzjant li jaġixxi f’isem l-Akkwirent.

Jekk ikun meħtieġ f’konformità ma’ kull liġi nazzjonali li t-trasferiment jingħata pubbliċità, tiġi pprovduta informazzjoni ta’ kuntatt ta’ (i) il-mutwatarji u (ii) l-avukati/bailiffs għal kull self biex jiġi żgurat li l-Offerent Ippreferut ikollu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jinnotifikahom dwar id-disponiment jekk tali notifiki jitwettqu mill-Akkwirent jew kif stabbilit skont il-liġi statutorja jew inkella fl-LSPA (ittra ta’ “hello/goodbye” għall-mutwatarji u ittra ta’ notifika għall-avukati/bailiffs) u l-ittra ta’ “hello/goodbye” u l-ittra ta’ notifika jiġu rrikonċiljati mal-Offerent Ippreferut

Is-servizzjar kontinwu tal-NPLs sad-Data ta’ Tranżizzjoni tas-Servizzjar miftiehma

Jekk applikabbli: Il-finalizzazzjoni tal-arranġamenti ta’ servizzjar interim tal-portafoll sa Data ta’ Tranżizzjoni tas-Servizzjar miftiehma

It-twaqqif u t-tħejjija ta’ linji gwida għall-appoġġ li għandu jiġi pprovdut mill-Bejjiegħ wara l-Għeluq (jekk applikabbli), id-dokumenti li jidħlu riċevuti mill-Bejjiegħ u l-kollezzjonijiet interim riċevuti mill-Bejjiegħ f’konformità mal-istipulazzjonijiet tal-LSPA

Kontabilità u affarijiet interni

L-iżgurar li l-bejgħ tal-portafoll ikun irrappreżentat b’mod korrett skont ir-regoli kontabilistiċi applikabbli tal-Bejjiegħ: it-terminazzjoni tal-kont tal-klijent, il-kanċellazzjoni tal-provvedimenti, l-iffissar tat-telf/tal-profitt kontabilistiku bl-allokazzjoni tal-prezz tax-xiri

Il-kisba tal-approvazzjonijiet u l-kunsensi interni meħtieġa, inklużi l-kontrolli tal-KYC, it-trattament regolatorju (inkluż is-CRR kif jista’ jkun il-każ), il-validazzjoni tal-istruttura tal-akkwiżizzjoni

6.2.   Kunsiderazzjonijiet ewlenin tar-riskju

Din il-fażi kritika teħtieġ enfasi strateġika u kummerċjali, billi l-valur jista’ jitnaqqar matul il-fażi tan-negozjati sal-għeluq finanzjarju. Huwa importanti li jitfassal proċess ta’ eżekuzzjoni effiċjenti għat-tranżazzjoni biex jiġi limitat il-perjodu bejn l-iffirmar u l-għeluq tat-tranżazzjoni, meta jitqies li l-kumplessitajiet u d-dewmien potenzjali – qabel il-ftehim/in-negozjati – jistgħu jkunu kritiċi. Matul din il-fażi, l-Offerent Ippreferut u l-Bejjiegħ għandhom passi sinifikanti x’jieħdu u dan jista’ jiġi ġestit permezz ta’ strutturi ta’ pjan ta’ tranżizzjoni miftiehma bi skeda ta’ żmien miftiehma fis-seħħ. L-assistenza u l-involviment ta’ konsulenti finanzjarji u legali interni u/jew esterni huma essenzjali.

6.3.   Kunsiderazzjonijiet tal-LSPA

Ladarba t-tranżazzjoni tkun ġiet approvata internament u t-termini tat-tranżazzjoni jkunu ġew iffinalizzati, il-Bejjiegħ u l-Akkwirent (l-Offerent Ippreferut magħżul) se jiffirmaw l-LSPA biex jiksbu ftehimiet xierqa ta’ saldu u ta’ wara l-Għeluq. L-Iffirmar u l-Għeluq spiss iseħħu f’żewġ dati differenti; madankollu, huma jistgħu jseħħu fl-istess ħin. Għandu jintlaħaq qbil fuq perjodu xieraq bejn id-Data tal-Iffirmar u l-Għeluq tat-tranżazzjoni fl-LSPA wara li jitqiesu l-kumplessitajiet tat-tranżazzjoni, il-passi li jeħtieġ li jitlestew qabel l-Għeluq u r-riskju ta’ dewmien.

Qabel l-iffirmar tal-LSPA, huwa importanti li jiġi żgurat li l-LSPA jkun jirrifletti b’mod xieraq il-fehim legali u ekonomiku kif miftiehem bejn l-Akkwirent u l-Bejjiegħ. L-LSPA għandu jiġi abbozzat mill-konsulenti legali maħtura u jkun ċar dwar l-obbligi kemm tal-Bejjiegħ kif ukoll tal-Akkwirent (23). Bħala parti mil-LSPA, għandhom jiġu miftiehma l-impenji kollha wara l-Għeluq, inkluż liema parti se tibgħat ittri ta’ notifika lill-mutwatarji (jekk applikabbli), f’liema forma se jsir dan u liema parti se ġġarrab il-kostijiet. In-notifika għandha tkun tinkludi wkoll il-konsulenti legali involuti li jagħmlu s-servizzjar tal-NPLs li jappartjenu għall-portafoll u l-istituzzjonijiet (avukati, bailiffs, qrati, eċċ.) biex tiġi żgurata tranżizzjoni effiċjenti tas-servizzjar tal-NPL. Dan ġeneralment ikun stipulat fl-LSPA. L-ispeċifiċitajiet ta’ kif il-mutwatarju jiġi nnotifikat bil-bejgħ jiddependu fuq ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

6.4.   Kunsiderazzjonijiet Oħrajn

Huwa importanti li d-dipartimenti interni kollha meħtieġa jiġu allinjati mal-proċeduri tal-Għeluq fl-LSPA. Dan se jinkludi l-qbil fuq is-servizzjar interim tal-portafoll tal-NPL bejn l-Iffirmar u l-Għeluq mal-Offerent Ippreferut. L-arranġamenti ta’ servizzjar interim miftiehma normalment ikunu parti mil-LSPA, iżda jistgħu alternattivament jiġu ddokumentati fi ftehim ta’ servizz tranżizzjonali (TSA) fejn il-Bejjiegħ jaqbel li jipprovdi ċerti servizzi għal ċertu perjodu lill-Akkwirent bi prezz miftiehem. B’mod ġenerali, is-servizzjar interim tal-portafoll tal-NPL għandu jitwettaq mill-Bejjiegħ bl-istess grad ta’ diliġenza u premura li kien applikat qabel l-iffirmar tal-LSPA.

Qasam ieħor li għandu jiġi kkunsidrat huwa relatat ma’ riskju speċifiku f’termini ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (anti-money laundering, AML). L-Istati Membri tal-UE implimentaw id-Direttivi dwar l-AML b’mod differenti fl-UE, u dan wassal biex fi ftit Stati Membri biss is-Servizzjanti tal-Kreditu huma definiti bħala entità marbuta b’obbligu u soġġetti għal-liġijiet lokali dwar l-AML. B’hekk, l-obbligu li l-informazzjoni tal-klijent relatata mal-AML tiġi kondiviża u sussegwentement ittrasferita lil akkwirent/servizzjant tal-kreditu huwa rilevanti biss jekk il-liġijiet lokali dwar l-AML ikunu jirrikjedu li r-rekwiżiti tal-KYC ikunu applikabbli għall-konsumaturi ġestiti mill-akkwirent/mis-servizzjant tal-kreditu. Jekk ma jkunx jeżisti tali obbligu tal-AML, ma jkunx hemm il-bażi legali sabiex tiġi kondiviża tali data personali skont il-GDPR. Id-data dwar il-KYC tista’ tkun kemm kunfidenzjali kif ukoll sensittiva (fuq it-tranżazzjonijiet suspettużi kollha) u ma tistax tiġi kondiviża pubblikament (24). B’hekk, jista’ jkun ta’ benefiċċju li jiġi definit ftehim bejn id-dipartimenti ta’ konformità tal-Bejjiegħ u l-Akkwirent biex tiġi ttrasferita tali informazzjoni, filwaqt li jiġi rrispettat il-perimetru permess mir-regolament u jiġu ggarantiti miżuri ta’ kunfidenzjalità xierqa. B’mod partikolari, jista’ jkun interessanti li jiġu enfasizzati l-elementi kklassifikati bħala:

“riskju għoli”, skont ir-referenza permezz ta’ bażijiet tad-data ddedikati (jiġifieri verifika Dinjija)

“riskju għoli”, ir-rapportar ta’ pagamenti kontinwi minn persuni terzi.

tranżazzjonijiet suspettużi, diġà evalwati mid-diviżjoni rilevanti tar-regolatur rilevanti u li ma għandhomx jitqiesu bħala tali.

persuni politikament esposti.

6.5.   Allokazzjoni tal-prezzijiet

Hemm ġuriżdizzjonijiet li, għas-sikurezza legali, jistgħu jeħtieġu allokazzjoni speċifika tal-prezz kontra kull skopertura inkluża fil-portafoll tal-NPL jew dan jista’ jkun rakkomandabbli abbażi tal-R&Ws u tal-istrutturi ta’ kumpens għad-danni kif miftiehem fl-LSPA:

għal portafoll tal-NPL tal-konsumatur mhux garantit – u pjuttost omoġenju – il-prezz tax-xiri allokat ġeneralment jiġi ddeterminat bħala ugwali [“prezz tax-xiri” diviż bis-“somma tal-ammonti pendenti”] immultiplikat b’“ammont pendenti tal-NPLs speċifiċi”, jew fi kliem ieħor: il-kwota tal-prezz tax-xiri mmultiplikata bl-ammont pendenti tal-NPLs speċifiċi.

fil-każ ta’ portafolli ta’ NPL aktar eteroġenji, eż. NPLs garantiti mill-konsumaturi ta’ proprjetà immobbli (RRE) jew saħansitra garantiti mill-kumpaniji (CRE), approċċ statistiku ma huwiex addattat u, b’hekk, l-investituri spiss jallokaw prezzijiet għall-NPLs uniċi (abbażi tal-kollaterali sottostanti), li l-bejjiegħ jista’ jitlob li jirċievi. Madankollu, l-investituri spiss ma jkunux lesti li jikkondividu din id-diżaggregazzjoni tal-prezz tax-xiri għal raġunijiet differenti, inkluża l-possibbiltà li l-Bejjiegħ jitlob li jeskludi fl-aħħar minuta ċerti NPLs, li għalihom il-Bejjiegħ u l-Akkwirent allokaw valur differenti. Is-soluzzjoni tista’ tkun li l-Akkwirent jipprovdi l-iskeda ta’ allokazzjoni għal kull self lil depożitarju ta’ parti terza (eż. nutar), li jista’ jiddivulga biss prezzijiet ta’ xiri uniċi abbażi ta’ ċerti raġunijiet, miftiehma minn qabel fl-LSPA, bħal pretensjoni tal-Akkwirent rigward NPL Difettuż.

7.   Wara l-għeluq

7.1.   Attivitajiet ewlenin

Ladarba jkun sar bejgħ, il-fażi ta’ wara l-Għeluq tinkludi serje ta’ attivitajiet li jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-Bejjiegħ u tal-Akkwirent u l-koordinazzjoni bejniethom. Fażi ta’ wara l-għeluq ta’ suċċess se ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Bejjiegħ fis-suq, tevita l-kunflitti u tattira aktar investituri, u b’hekk tirriżulta f’relazzjoni effiċjenti mal-investituri u kundizzjonijiet aħjar fi ftehimiet futuri potenzjali. Għalhekk, is-suċċess ta’ proċess ta’ bejgħ jiġi ddeterminat mhux biss mill-prezz tal-għeluq, iżda wkoll mill-mod kif jitwettqu l-attivitajiet ta’ wara l-Għeluq. Fażi ta’ wara l-Għeluq taħt pressjoni ċertament toħloq preċedent u tista’ tnaqqas iċ-ċansijiet ta’ bejgħ b’suċċess ta’ NPL fil-futur.

L-attivitajiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

It-twettiq u l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ wara l-Għeluq skont l-LSPA.

Il-kooperazzjoni bejn il-Bejjiegħ u l-Akkwirent kif prevista fl-LSPA u, jekk applikabbli, fuq bażi ad hoc jekk iseħħu problemi jew jekk isiru meħtieġa azzjonijiet mhux previsti.

7.2.   Il-proċess tal-migrazzjoni

Matul din il-fażi tal-proċess, il-Bejjiegħ jittrasferixxi l-NPLs (kif ukoll il-garanziji relatati, jekk ikun hemm) u l-informazzjoni relatata, kif ukoll id-dokumentazzjoni lill-Akkwirent jew lil servizzjant tal-NPL maħtur mill-Akkwirent. Din il-fażi għandha tiġi ppjanata bir-reqqa billi hija essenzjali għall-onboarding b’suċċess tal-portafoll tal-NPL għall-Akkwirent u tinvolvi ħafna sorsi differenti u mdaqqsa ta’ informazzjoni u dokumentazzjoni, kemm informazzjoni mis-sistema tal-IT tal-Bejjiegħ kif ukoll volumi skennjati u (xi drabi) kbar f’kopji stampati. L-Akkwirent għandu jkun jista’ jibda l-onboarding tal-IT b’kooperazzjoni sħiħa mill-Bejjiegħ sabiex jirreġistra kif suppost il-fajls ta’ kreditu rilevanti fis-sistema tal-IT tiegħu stess.

1.    Komunikazzjoni lill-mutwatarji

Soġġett għall-konformità mal-liġijiet lokali (25), il-Bejjiegħ u/jew l-Akkwirent huma mistennija li jikkomunikaw il-bejgħ, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kreditur il-ġdid u tas-servizzjant tal-NPL li jistgħu jaġixxu f’isem l-Akkwirent u li l-informazzjoni personali tiġi ttrasferita fil-leġittimità tal-bejgħ. Huwa rakkomandabbli li l-Bejjiegħ u l-Akkwirent jaqblu fl-LSPA fuq min jibgħat in-notifika/i, xi jkun il-kontenut (sakemm dan ma jkunx diġà rregolat mil-liġi statutorja) u kif jiġu allokati l-kostijiet bejn il-partijiet. Fl-interess tal-effiċjenza u parzjalment abbażi wkoll tal-liġi statutorja, l-ittra ta’ notifika lill-mutwatarju tista’/għandha tinkludi wkoll l-ammont eżatt ta’ dejn pendenti (maqsum f’ammont ta’ kapital, imgħax u tariffi, kif iddeterminat mil-liġi applikabbli), kif ukoll il-kont bankarju li lejh il-mutwatarju għandu jħallas fil-futur, jiġifieri jipprovdi l-informazzjoni dwar il-kont bankarju tal-Akkwirent jew tas-servizzjant tal-NPL maħtur tiegħu.

2.    Trasferiment tal-informazzjoni

Wara li l-bejgħ ikun ġie eżegwit, il-Bejjiegħ jittrasferixxi l-informazzjoni rilevanti kollha rigward l-NPLs. Minbarra s-Silta tad-Data dwar is-Self, dan it-trasferiment jista’ jinkludi s-settijiet ta’ informazzjoni li ġejjin:

Data personali tal-mutwatarji;

Informazzjoni dwar il-ġestjoni, inklużi kuntatti, attività ta’ traċċar u konverżazzjonijiet preċedenti u ftehimiet ta’ ħlas potenzjali mal-mutwatarji mill-passat, kif ukoll konverżazzjonijiet kontinwi;

Informazzjoni dwar il-ħlas li tispeċifika d-data tal-ħlas, l-ammont u l-munita, is-sors tal-ħlas (eż. riċevut minn mutwatarju jew parti terza, flus kontanti fil-qorti, eċċ.) għal kull NPL (speċifikat minn identifikatur uniku bħan-numru tas-self) mid-Data Limitu sal-Għeluq;

Pretensjonijiet legali, inkluża informazzjoni dwar il-qrati, l-avukati, l-ammonti, id-dati u l-istorja tal-objettivi intermedji legali (billi dan jirrisjedi fuq il-pjattaforma ta’ ġestjoni tal-Bejjiegħ); u

Kwalunkwe informazzjoni dwar kollateral li jiggarantixxi kwalunkwe wieħed mill-NPLs mibjugħa li ma tkunx inkluża fis-Silta tad-Data dwar is-Self jew dan ta’ hawn fuq.

L-informazzjoni kollha pprovduta u użata għall-proċess ta’ Diliġenza Dovuta.

3.    Dokumentazzjoni

Id-dokumentazzjoni hija essenzjali għall-kapaċità tal-Akkwirent li jibda jiġġestixxi l-NPLs minnufih bl-aktar mod effiċjenti. Il-kwalità u l-veloċità tal-għoti tal-informazzjoni huma essenzjali għal proċess ta’ wara l-għeluq b’suċċess.

Fil-portafolli tal-NPL b’għadd limitat ta’ self, tipikament tkun disponibbli dokumentazzjoni sħiħa u din ġeneralment tiġi ttrasferita lill-Akkwirent jew lis-servizzjant tal-kreditu maħtur tiegħu direttament fl-Għeluq. Madankollu, f’portafolli aktar granulari, fejn ikunu qed jiġu trażmessi numri kbar ta’ NPLs (spiss eluf), l-LSPA jista’ jkun fih klawżola b’linji gwida għas-sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni relatata mal-NPLs. B’mod partikolari, għandhom jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

Minħabba l-volum ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni ġġenerati fl-NPLs u l-kost imġarrab mill-Bejjiegħ fit-tħejjija tagħhom, il-Bejjiegħ jista’ jagħżel li jirrestrinġi l-impenn tiegħu li jissottometti d-dokumentazzjoni, għalkemm dan huwa kruċjali għall-onboarding b’suċċess mill-Akkwirent. Il-Bejjiegħ għandu jikkomunika b’mod ċar matul il-Fażi 2 x’dokumentazzjoni huwa kapaċi u lest li jagħti lill-Akkwirent. Id-dokumentazzjoni nieqsa tista’ taffettwa b’mod negattiv l-ipprezzar tal-investituri, għalhekk, il-Bejjiegħ għandu jiżen il-“kost” għax-xenarji differenti. Għażla waħda tista’ tkun li tiġi ddeterminata d-dokumentazzjoni “kruċjali jew ewlenija” (eż. kwalunkwe dokumentazzjoni li jeħtieġ l-Akkwirent sabiex jikkonforma mal-liġijiet applikabbli, mad-dokumentazzjoni meħtieġa skont il-liġi lokali biex jagħti prova tal-eżistenza u tal-ammont tal-pretensjoni pendenti, mad-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex l-Akkwirent jikseb titolu legali quddiem qorti jew jibda proċedimenti ta’ infurzar, eċċ.) li għalihom il-Bejjiegħ jagħti rappreżentazzjoni ċara fl-LSPA u dokumentazzjoni “oħra” li għaliha l-Bejjiegħ sempliċiment iwiegħed li jipprovdi dokumentazzjoni abbażi tal-aħjar sforzi.

Jekk il-kostijiet rilevanti jkunu assoċjati mal-kunsinna ta’ fajls mill-bejjiegħ lill-Akkwirent: għandu jintlaħaq qbil mal-Akkwirent fuq mekkaniżmu li jirregola l-kunsinna tal-fajls u l-ħlas tal-kostijiet f’dan ir-rigward. Il-mekkaniżmu previst għandu jiġi kkomunikat lill-Investituri tal-Fażi 2 permezz tal-LSPA (jew mod ieħor, jekk ma jiġi pprovdut l-ebda LSPA fil-Fażi 2 mill-Bejjiegħ) biex jiġi ffaċilitat proċess ta’ ffirmar/għeluq bla xkiel. Kwalunkwe kost li l-bejjiegħ jistenna li jitħallas mill-Akkwirent ma għandux ikun sorpriża wara li tkun ġiet sottomessa l-BO.

Għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien raġonevoli wara l-eżekuzzjoni tal-bejgħ għall-kunsinna ta’ ċerta dokumentazzjoni (eż. f’xi pajjiżi, għall-għoti tal-att pubbliku biex jipproċedi bil-kunsinna ta’ informazzjoni dwar id-data ta’ maturità aġġornata tal-bilanċ ta’ kull self).

Abbażi tad-disponibbiltà u l-kost assoċjati mat-tqegħid tad-dokumentazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Akkwirent, il-Bejjiegħ jista’ jikkunsidra li jillimita r-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-kwalità u l-kompletezza tad-dokumentazzjoni. Din hija informazzjoni kummerċjali rilevanti għall-Investituri tal-Fażi 2 u tkun parti mill-abbozz ta’ LSPA sabiex l-Investituri tal-Fażi 2 ikunu konxji ta’ dan qabel ma jissottomettu l-BOs tagħhom.

7.3.   Responsabbiltajiet tal-bejjiegħ

F’każ li l-Bejjiegħ jikser xi waħda mill-R&Ws jew xi wieħed mill-obbligi tal-Bejjiegħ skont l-LSPA, il-Bejjiegħ ikun meħtieġ jikkumpensa lill-Akkwirent f’konformità mal-LSPA. L-Akkwirent huwa intitolat għal rimedji abitwali jekk il-Bejjiegħ jonqos milli jikkonforma mal-R&Ws relatati mal-NPLs, li wieħed minnhom jista’ jkun l-obbligu tal-Bejjiegħ li jirriakkwista jew jissostitwixxi NPLs Difettużi. Fejn ir-riakkwist tal-NPLs ġeneralment ikun legalment ipprojbit, abbażi ta’ parir legali rilevanti, potenzjalment jista’ jintlaħaq qbil fuq kumpens monetarju lill-Akkwirent.

7.4.   Attivitajiet ta’ wara l-bejgħ

Ladarba l-Akkwirent jew is-servizzjant tal-kreditu maħtur tiegħu jkollu l-informazzjoni/id-dokumentazzjoni kollha u jkun jista’ jibda jimmaniġġja l-portafoll tal-NPL, ikun għad hemm diversi kompiti ta’ koordinazzjoni u dmirijiet oħrajn li għandhom jitqiesu. Dan jinkludi:

Il-bejjiegħ għandu jibgħat lill-Akkwirent jew lis-servizzjant tal-kreditu maħtur tiegħu:

il-pagamenti riċevuti fir-rigward tal-NPLs mibjugħa.

il-komunikazzjoni li waslet mingħand il-mutwatarji jew ir-rappreżentanti tal-mutwatarji fir-rigward tal-NPLs mibjugħa.

Is-supplimentazzjoni tad-dokumentazzjoni u tar-rekords dwar l-iskoperturi.

Ir-rikonċiljazzjoni tad-data u ta’ informazzjoni speċifika fuq bażi ta’ każ b’każ.

Il-kooperazzjoni dwar it-tranżizzjoni tal-kawżi fil-qorti mill-Bejjiegħ għall-Akkwirent. Għal pretensjonijiet legali li diġà nbdew, jeħtieġ li titwettaq suċċessjoni proċedurali skont ir-regoli proċedurali tal-ġuriżdizzjoni inkwistjoni. Jista’ jkun utli li jintlaħaq qbil fuq mudell ta’ kitba speċifiku li għandu jiġi segwit meta jiġi sottomess lill-qrati. Il-Bejjiegħ u l-Akkwirent għandhom jaqblu wkoll fl-LSPA jekk il-Bejjiegħ jittermina l-mandati kollha mogħtija lil kwalunkwe parti terza (eż. avukat estern fi proċedimenti legali li għaddejjin bħalissa) fir-rigward tal-NPLs mibjugħa jew jekk il-Bejjiegħ jistenna li l-Akkwirent jieħu f’idejh kwalunkwe mandat bħal dan u li minn dak il-mument ’il quddiem it-tariffi u l-kostijiet imġarrba minn tali partijiet terzi jiġġarbu mill-Akkwirent. L-iskemi ta’ tariffi, l-ammonti ta’ kostijiet ta’ somma f’daqqa, eċċ. kellhom jiġu ddivulgati lill-Investituri tal-Fażi 2 fil-Fażi 2 sabiex ikunu jistgħu jqisu dan qabel ma jissottomettu l-BOs tagħhom.

Barra minn hekk, l-LSPA għandu jiddeskrivi liema parti se tħallas il-kostijiet, it-tariffi u l-ispejjeż tal-avukat u tas-solicitor, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-irtirar tal-Akkwirent, f’każ li l-Akkwirent jiddeċiedi li l-proċedimenti mhux se jkomplu. Jekk il-Bejjiegħ jippjana li l-Akkwirent jassumi l-kostijiet li jiġġarrbu jew li se jiġġarrbu minn avukat mogħti mandat mill-Bejjiegħ, dan tal-aħħar għandu jinforma lill-Akkwirent dwar it-tariffi miftiehma, l-ammonti ta’ kostijiet/tariffi diġà mġarrba u li għandhom jiġu assunti mill-Akkwirent eċċ. Għal darb’oħra, il-kostijiet, it-tariffi, eċċ. li għandhom jitħallsu mill-Akkwirent iridu jiġu kkomunikati qabel id-Data tal-BO lill-Investituri kollha tal-Fażi 2 biex jiġi evitat ir-riskju li ma jkunx jista’ jeżegwixxi t-tranżazzjoni abbażi tal-informazzjoni dwar il-kostijiet li titħalla barra.

Komunikazzjoni mal-korpi regolatorji: f’kull tranżazzjoni, għandu jiġi kkonfermat jekk huwiex meħtieġ li titwettaq komunikazzjoni jew li tintalab awtorizzazzjoni minn kwalunkwe korp regolatorju.

Koordinazzjoni mal-konsulenza legali u ma’ oqsma oħrajn involuti: il-ħidma tad-dipartiment legali intern tal-Bejjiegħ għandha tiġi kkoordinata mad-dipartiment tat-taxxa f’kull ġuriżdizzjoni.

Ir-rettifika ta’ rekords uffiċjali qarrieqa jew foloz mill-Bejjiegħ li jipprovdu l-istorja ta’ dokumenti uffiċjali.

F’xi każijiet, jista’ jkun hemm servizzi addizzjonali li jistgħu jiġu pprovduti wara l-Għeluq mill-Bejjiegħ jew permezz ta’ entità speċjalizzata. Jekk il-Bejjiegħ u l-Akkwirent jaqblu li l-Bejjiegħ jipprovdi servizzjar ta’ wara l-Għeluq, mela tali servizz ikkunsinnat lil parti terza jista’ jirrikjedi li jintalbu tariffi speċifiċi mill-Bejjiegħ. Il-livell ta’ tali tariffi tas-servizzjar jista’ jiġi ddeterminat abbażi tal-allokazzjoni tal-kostijiet tal-unità tat-tħaddim rilevanti għall-NPLs mibjugħa kontra l-volum tal-portafoll jew il-livell ta’ rkupru mistenni (26).

Huwa rrakkomandat li l-bejjiegħa jipprovdu ċertu livell (minimu) ta’ servizz lill-Akkwirenti anki jekk ma jkunux legalment obbligati jagħmlu dan, għad-durata tal-“ħajja sħiħa” tal-NPLs mibjugħa. Dan jipprevjeni problemi mal-mutwatarji u mal-qrati u jiżgura operazzjonijiet effiċjenti kemm għall-Bejjiegħ kif ukoll għall-Akkwirent.


(1)  L-użu tal-VDR huwa rrakkomandat b’mod ġenerali. F’xi każijiet, VDR tista’ ma tkunx meħtieġa għal kollox, bħan-negozjati bilaterali għal tranżazzjonijiet b’isem wieħed (skont l-ispeċifiċitajiet tal-ftehim).

(2)  It-tneħħija tal-iskoperturi tal-NPL tista’ tkun l-aktar soluzzjoni xierqa, speċjalment meta t-tħaddim tal-NPLs jaqbeż il-kapaċità ta’ bank. Min-naħa l-oħra, ir-ristrutturar u l-workout huma wkoll attivitajiet ewlenin tal-banek u jeħtieġ li jinżammu meta dan ikun l-aktar approċċ xieraq, skont is-sitwazzjoni tal-bank u tal-mutwatarju.

(3)  Fir-rigward tal-kumpaniji b’mod partikolari, il-banek għandu jkollhom il-kapaċità li jivvalutaw il-bidliet fil-kapaċitajiet tagħhom ta’ servizzjar tad-dejn u jiddifferenzjaw bejn il-ħtiġijiet ta’ likwidità u ta’ solvenza.

(4)  “Kbir” f’dan il-kuntest jirreferi għall-kobor tal-portafoll f’termini ta’ valur (gross) kumplessiva.

(5)  Innota li l-NPLs tal-lokazzjoni jinkludu l-VAT u li l-Bejjiegħ irid jiċċara minn qabel (jekk ikun meħtieġ, f’kooperazzjoni ma’ konsulenti esterni tat-taxxa) x’inhuma l-implikazzjonijiet tal-bejgħ tal-NPL fir-rigward tal-“porzjon tal-VAT” tat-talba għal NPL.

(6)  B’mod partikolari, il-Bejjiegħ għandu jipprevedi persuna ta’ kuntatt ewlenija waħda li tikkomunika mal-Fornitur Estern tas-Servizzi u li hija responsabbli għat-tranżazzjoni tal-NPL fl-organizzazzjoni tal-Bejjiegħ.

(7)  Tali NPLs kellhom jiġu ffiltrati meta jitħejja l-Portafoll tal-NPL, iżda jekk dan isir ovvju biss aktar tard fil-proċess, tali NPLs imbagħad jiġu esklużi bi spjegazzjoni rilevanti lejn l-investituri.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE.

(9)  L-istipulazzjonijiet ġenerali tal-protezzjoni tad-data ġeneralment ikunu inklużi fl-NDA.

(10)  Informazzjoni speċifika dwar l-NPLs ta’ UTP tista’ tinstab fl-Anness 5 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(11)  Il-ħidma tad-dipartiment Legali intern tal-Bejjiegħ għandha tiġi kkoordinata mad-dipartiment tat-Taxxa f’kull ġuriżdizzjoni, kif rilevanti. Fehim ġenerali ta’ liema taxxi jseħħu kemm fuq in-naħa tal-Bejjiegħ kif ukoll fuq in-naħa tal-Akkwirent huwa rilevanti għal tranżazzjoni b’suċċess.

(12)  L-użu tal-VDR huwa rrakkomandat b’mod ġenerali. F’xi każijiet, VDR tista’ ma tkunx meħtieġa għal kollox, bħan-negozjati bilaterali għal tranżazzjonijiet b’isem wieħed (skont l-ispeċifiċitajiet tal-ftehim).

(13)  Id-delega tas-setgħat hija maħsuba bħala subdiviżjoni u suballokazzjoni tas-setgħat lis-subordinati sabiex jinkisbu riżultati effettivi.

(14)  Jekk ikunu ttieħdu azzjonijiet ta’ infurzar, idealment jiġi ċċarat liema miżuri.

(15)  Id-Direttiva (UE) 2021/2167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE.

(16)  Fost l-oħrajn, l-LSPA għandu jiġi rieżaminat mill-awdituri tal-bejjiegħ taħt perspettiva ta’ kontabilità biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-IFRS sabiex jiġi vvalutat l-irtirar tar-rikonoxximent tal-portafoll.

(17)  Mhux dejjem ikun possibbli li jiġu pprovduti stampi ta’, pereżempju, proprjetà. Dan huwa speċjalment il-każ għall-RRE.

(18)  B’mod ġenerali, jeħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR – ir-Regolament (UE) 2016/679).

(19)  Skont il-livell ta’ tħejjija min-naħa tal-bejjiegħ, il-kumplessità tal-bejgħ, eċċ., dan jista’ wkoll jieħu aktar żmien (possibbilment aktar minn xahrejn).

(20)  It-termini tal-bejgħ.

(21)  Is-sett sħiħ ta’ Siltiet tad-Data dwar is-Self għandu jitħejja u għandu jkun lest sa tmiem il-Fażi 1.

(22)  Minħabba li l-proċessi tal-KYC jistgħu jieħdu ħafna żmien, il-Bejjiegħ jista’ jagħżel li jibda proċess tal-KYC biss għall-Offerent Ippreferut/Akkwirent u li jeżegwixxi t-tranżazzjoni soġġetta għall-approvazzjoni tal-KYC.

(23)  Aktar dettalji dwar il-kontenut ewlieni ta’ LSPA jistgħu jinstabu fl-Anness 6.

(24)  Ma huwiex possibbli li jiġu kondiviżi t-tipi kollha ta’ data, jiġifieri b’mod partikolari tranżazzjonijiet suspettużi li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet rilevanti.

(25)  Jiġifieri l-ġuriżdizzjoni tal-mutwatarju.

(26)  Il-kost attribwibbli għall-portafoll tal-NPL mibjugħ, li f’dan ix-xenarju xorta jkun innotifikat mill-Bejjiegħ (għal ċertu perjodu), jista’ jiġi ddeterminat abbażi ta’: (i) l-ammont pendenti tas-somma globali tal-NPLs innotifikata mill-unità tal-irkupru; jew (ii) l-irkupri ġġenerati għall-NPLs innotifikati mill-unità tal-irkupru. Il-livell ta’ rkupru huwa bbażat fuq il-flussi ta’ flus mistennija kkalkolati fil-livell individwali jew tal-portafoll matul il-perjodu ta’ żmien miftiehem u jiddetermina l-prestazzjoni tas-servizzjar ta’ wara l-bejgħ bħala bażi għall-iċċarġjar ta’ perċentwal tat-tariffa tas-servizzjar.


ANNESS 1

Kontributuri għal-Linji Gwida

Il-linji Gwida ġew żviluppati mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Bord Konsultattiv tal-NPL tal-Kummissjoni, li jikkonsisti mill-Membri u l-Osservaturi li ġejjin:

Membri

Organizzazzjoni

AMCO

ASUFIN (Asociación Usuarios Financieros)

Banco Santander

BBVA

BEUC (Bureau Européen des Unions des Consommateurs)

Commerzbank

Debitos

Alpine Tremont

DECO (Associação Portuguesa para a Defesa do Consumidor)

Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Kooperattivi (European Association of Co-operative Banks, EACB)

Federazzjoni Bankarja Ewropea (European Banking Federation, EBF)

EOS

Erste Group Bank

European DataWarehouse

Fédération Bancaire Française

Guber Banca

Hoist Finance

Intrum

KPMG

Morgan Stanley

NAMA

Swieq tal-NPL

Prometeia

Raiffeisen Bank International

UniCredit

Osservaturi

Organizzazzjoni

Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA)

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)


ANNESS 2

Konsiderazzjonijiet u passi qabel il-bidu tal-proċess tal-bejgħ

Ta’ min ibigħ?

Meta tiġi indirizzata r-riżoluzzjoni ta’ djun mitlufa, huwa komuni li wieħed jaħseb li l-approċċ organiku huwa l-aktar mod kosteffettiv ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, l-approċċ organiku, għalkemm effettiv, jista’ jwassal għal akkumulazzjoni ta’ proċessi ġudizzjarji u assi ta’ proprjetà immobbli. F’ċertu punt, dan jista’ jsir diffiċli biex jiġi ġestit b’mod organiku.

Fi swieq fejn suq sekondarju għall-NPLs żviluppa biżżejjed, x’aktarx li seħħet speċjalizzazzjoni sinifikanti fl-irkupru, li tista’ twassal għall-konklużjoni li atturi speċjalizzati fis-suq (partijiet terzi) huma aktar kapaċi u effiċjenti mill-Bejjiegħ / bank li huwa s-sid tal-assi inkwistjoni. F’dawn is-swieq, il-bejjiegħa normalment ibigħu l-fluss ’il quddiem fuq bażi rikorrenti, speċjalment f’ċerti klassijiet ta’ assi.

L-analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji tiffaċilita t-tqabbil bejn strateġija ta’ ritenzjoni (iżżomm l-assi u twettaq ix-xogħol, jew twettaq ristrutturar) u strateġija ta’ ħruġ. Analiżi bħal din hija essenzjali għal viżjoni ta’ bejgħ fit-tul imfassla tajjeb. Madankollu, ta’ min jinnota li l-perspettiva strateġika, inkluża l-analiżi tal-kostbenefiċċji taż-żamma ta’ pożizzjonijiet kontra l-bejgħ tagħhom, hija estremament kumplessa biex titwettaq. Il-kumplessità tiegħu ġejja mid-diffikultà straordinarja tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni relatata mal-approċċ organiku. Il-ħin u l-kostijiet involuti f’tali proċess mhumiex negliġibbli u lanqas ma huma negliġibbli l-każijiet rari li qatt ma jiġu solvuti.

Huwa possibbli wkoll li l-bejjiegħa jridu jaderixxu mal-ilħuq ta’ proporzjonijiet ta’ NPL fil-mira speċifiċi fi skeda ta’ żmien definita (kif innegozjat mal-awtoritajiet kompetenti). Dan jista’ jżid l-attraenza tat-tneħħija tal-NPLs vs l-approċċ organiku tal-ġestjoni interna tagħhom.

Dan li ġej jippreżenta ħarsa ġenerali indikattiva tar-raġunijiet potenzjali għall-bejgħ, kif ukoll ir-riżervi u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom jitqiesu qabel ma wieħed jidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni tal-portafoll.

Raġunijiet potenzjali għall-bejgħ

Li ma jaqbiżx il-kapaċità ta’ workout interna u li jħaffef id-disponiment ta’ assi improduttivi vs l-approċċ organiku. Il-banek normalment jieħdu aktar żmien biex jiksbu riżoluzzjoni, meta mqabbla ma’ investitur speċjalizzat ħafna u firxa idjaq ta’ soluzzjonijiet possibbli mmirati l-aktar lejn l-irkupru ġudizzjarju. Meta wieħed iqis dan, flimkien mad-deterjorament rapidu tal-kurva ta’ rkupru minn inadempjenza matul iż-żmien, deċiżjoni bikrija ta’ bejgħ fi swieq maturi normalment tkun dik it-tajba.

Biex jiġi ottimizzat il-proċess ta’ ġestjoni tal-NPE u t-tagħbijiet tax-xogħol. Il-kapaċità interna (li tista’ tkun riżorsa skarsa) u l-isforzi huma b’hekk iffokati fuq pożizzjonijiet li jagħmlu l-approċċ organiku utli.

Biex jiġi ssodisfat pjan ta’ tnaqqis tas-self improduttiv u jiġi evitat li jinqabeż ċertu livell tal-proporzjon tal-NPL (eż. 5 %) jew biex jiġi ssodisfat pjan ta’ tnaqqis tal-NPL kif miftiehem mas-superviżur.

Biex jiġi ġġenerat valur ekonomiku, meta l-prezz jaqbeż il-valwazzjoni ekonomika interna tal-bank. Il-bejjiegħ imbagħad ifittex prezz aħjar meta mqabbel mal-irkupri mistennija li jkunu jistgħu jinkisbu permezz ta’ workout interna. Dan ifisser li t-telf bil-quddiem jenħtieġ li jkun aktar baxx mill-kostijiet kumplessivi li għandhom jitħallsu f’xenarju ta’ żamma. Huwa importanti li wieħed jinnota li ċertu baġit għat-telf ikun meħtieġ biex jitwettqu trasferimenti tal-NPL.

Għall-ottimizzazzjoni tal-kapital: użu aħjar tal-kapital, piżijiet regolatorji futuri jiġu evitati, eċċ. Bil-bejgħ, ir-riskju ponderat għoli li jaffettwa l-pożizzjonijiet tal-NPL jista’ jiġi approvat, u b’hekk jiġi rilaxxat il-kapital allokat għal użi aħjar. L-iskadenzi tal-impenji superviżorji u ċerti restrizzjonijiet regolatorji jista’ jkollhom influwenza fuq meta għandu jinbiegħ (eż. il-kalendarji ta’ provvediment tal-garanzija ta’ kontinġenza prudenzjali tal-NPL, ir-regoli tal-klassifikazzjoni ta’ tolleranza).

Raġunijiet oħra jistgħu jkunu l-għeluq ta’ attività f’kumpanija jew pajjiż.

Twissijiet u kunsiderazzjonijiet

Għażla tal-portafoll

Din hija fażi kruċjali tal-proċess sabiex jiġi massimizzat l-għan fil-mira (eż. il-mira tal-proporzjon tal-NPL, l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità interna, eċċ.) u sabiex jiġi minimizzat l-impatt fuq il-P&L u l-kapital.

Definizzjoni tas-Silta ta’ Data dwar is-Self

Il-ġbir u t-tindif tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni huma assolutament kritiċi u mingħajr dubju waħda mill-aktar fażijiet importanti tal-bejgħ tal-portafoll. Il-portafolli jeħtieġu profondità għolja ħafna ta’ informazzjoni dettaljata u akkurata ħafna dwar kull pożizzjoni individwali fil-portafoll. L-istess japplika għad-dokumentazzjoni. Huwa assolutament fundamentali (u mhux sempliċi) li jinġabru d-dokumentazzjoni u l-valutazzjoni kuntrattwali u siltiet mir-reġistru għall-pożizzjonijiet kollateralizzati kollha qabel it-tnedija tat-Teaser.

Diffikultajiet tipiċi għal dan huma

Il-ġbir tad-dokumentazzjoni li għadha mhix maħżuna b’mod elettroniku. Xi kultant ikun meħtieġ li wieħed joqgħod fuq tfittxijiet fil-fergħat, li jikkawżaw dewmien konsiderevoli jew saħansitra jrendu l-operazzjoni mhux fattibbli.

Remunerazzjonijiet tas-self u tal-klijenti li jseħħu minħabba l-għeluq ta’ fergħat u/jew fużjonijiet.

Repożitorji differenti li jeżistu bħala riżultat ta’ fużjonijiet jew sostituzzjoni ta’ sistemi tal-IT, migrazzjonijiet, eċċ. F’każijiet bħal dawn, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni oriġinali jistgħu jkunu ntilfu jew ma jkunux akkurati.

Id-data, filwaqt li tkun diġà maħżuna fis-sistemi tal-IT, hija disponibbli biss f’diversi formati u d-definizzjonijiet tal-oqsma tad-data individwali jistgħu jvarjaw minn sistema għal oħra.

Kollaterali mhux lokalizzati jew ineżistenti.

Imposti kkanċellati ekonomikament, iżda mhux irreġistrati jew aġġornati fis-sistemi tal-bank. F’dan ir-rigward, il-politika superviżorja tal-bank dwar l-aġġornament ma’ aġenziji ta’ rkupru esterni hija rilevanti ħafna. Huwa assolutament obbligatorju li jkun hemm rieżami preċedenti ta’ kull pożizzjoni ta’ garanzija fil-portafoll biex jiġi żgurat li l-garanzija tkun għadha teżisti.

Il-proċess tal-kwalità tad-data, ir-rimedju u l-issortjar tad-dokumentazzjoni huwa meħtieġ u intensiv u huwa r-raġuni ewlenija għar-reklutaġġ ta’ konsulent, li jista’ jgħin b’back-office u PMO apposta għall-proġett.

Restrizzjonijiet fuq it-trasferibbiltà. Meta tiġi rieżaminata d-dokumentazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li jinstabu restrizzjonijiet fuq it-trasferibbiltà f’xi forma, bħal xi politiki, self sindakat, jew self li jinvolvi elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Każijiet bħal dawn jeħtieġ li jiġu identifikati u jitneħħew mill-portafoll. Għalhekk, Diliġenza Dovuta legali dwar il-kuntratti għandha titwettaq biex jiġi vverifikat jekk hemmx restrizzjonijiet ta’ trasferibbiltà u biex ikun hemm konformità mal-proċess ta’ notifika definit.

Valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tat-tranżazzjoni

Ir-riskji ta’ “tbassir” tal-prezz finali: huwa importanti li jiġi vvalutat kif il-Bejjiegħ jista’ jiġi protett bl-aħjar mod minn impatti mhux mixtieqa. Qabel ma jbigħ, huwa għalhekk importanti, għal portafoll speċifiku, li jkun hemm idea:

1.

Jekk hemmx interess tal-investitur f’dik il-klassi partikolari ta’ assi;

2.

tal-prezz indikattiv li bih dak il-portafoll jista’ jiġi nnegozjat; kif ukoll

3.

tal-kost potenzjali għall-Bejjiegħ biex iżomm il-portafoll.

Dan jista’ jinkiseb jew billi tinħoloq intelligence interna jew billi jingħata mandat lil Fornitur ta’ Servizz Estern li jkun involut b’mod attiv f’tali tranżazzjonijiet. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, taħlita taż-żewġ għażliet hija l-aktar komuni. Hemm varjetà wiesgħa ta’ konsulenti disponibbli li joffru s-servizzi tagħhom, iżda huwa importanti li ssir distinzjoni bejn konsulenti li huma realment involuti fi tranżazzjonijiet fuq bażi regolari u dawk li kienu involuti biss f’xi partijiet żgħar tad-Diliġenza Dovuta.

Abbażi ta’ dan l-għarfien, l-aspetti tal-analiżi interna li ġejjin huma rrakkomandati ħafna:

l-impatt P&L ibbażat fuq il-prezz stmat +/-15 % (analiżi aktar profonda tista’ tinvolvi rilaxx tal-APR u piżijiet futuri - dispożizzjonijiet u ffrankar tal-kapital).

Analiżi ta’ valur miżjud ekonomiku: kemm tipparaguna tajjeb il-valutazzjoni ekonomika interna mal-prezz tal-bejgħ stmat.

Fi kwalunkwe każ, l-aħjar mod kif il-Bejjiegħ jiġi protett minn varjazzjonijiet mhux mixtieqa fil-prezz finali spiss ikun Proċess ta’ 2-Fażijiet li fih il-Bejjiegħ jista’ jirriżerva d-dritt li jwaqqaf il-proċess jekk l-NBOs ma jissodisfawx l-aspettattivi. Huwa importanti li dan jiġi ġestit (bi trasparenza massima) qabel ma jidħol fil-fażi tal-BO. F’dan l-istadju, l-investituri għandhom it-tendenza li jonfqu aktar riżorsi fuq Diliġenza Dovuta.

Definizzjoni tal-kuntratti u l-valutazzjoni tat-test tal-irtirar tar-rikonoxximent skont il-prinċipju IFRS9

Sabiex jiġi rtirat ir-rikonoxximent tal-portafoll trasferit, il-bejjiegħa jridu juru li ttrasferew b’mod sostanzjali r-riskji u l-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-portafoll trasferit. Għal dan il-għan, kwalunkwe klawżola fil-kuntratti li tagħti lura riskji/benefiċċji lill-Bejjiegħ trid tiġi evitata.


ANNESS 3

Fornituri tas-servizzi esterni

Qabel ma tiġi definita l-istruttura tat-tranżazzjoni u l-perimetru, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Fornituri ta’ Servizzi Esterni jkollhomx bżonn jappoġġaw il-proċess. Madankollu, għadd ta’ kompiti jenħtieġ li fi kwalunkwe każ jitwettqu minn esperti interni peress li jeħtieġu għarfien ta’: (i) proċessi interni, (ii) l-NPLs li għandhom jinbiegħu, (iii) it-titoli potenzjalment sottostanti, (iv) il-ħidma tal-NPLs, u (v) id-deċiżjoni li fuqha jistgħu jingħataw fattwalment ir-R&Ws tal-Bejjiegħ, eċċ.

Il-Fornituri Esterni tas-Servizzi jistgħu jappoġġaw lill-Bejjiegħ matul il-proċess ta’ tranżazzjoni standard tas-suq. Il-funzjoni ewlenija tal-Fornituri ta’ Servizzi Esterni hija li jgħinu lill-Bejjiegħ fil-fażi ta’ tħejjija u jipprovdu gwida matul il-proċess kollu tal-bejgħ. Huma jistgħu wkoll jikkollaboraw mal-offerenti, jaġixxu ta' medjaturi fl-interazzjoni bejn il-Bejjiegħ u l-offerenti, jassistu fl-immudellar/l-ipprezzar tal-portafoll biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ “riżerva”, jisstrateġizzaw l-għażliet ta’ finanzjament differenti, eċċ. Dawn is-servizzi jistgħu jkunu partikolarment ta’ għajnuna fi swieq mhux maturi.

Jistgħu jiġu identifikati l-kategoriji ewlenin li ġejjin:

i.

Konsulent finanzjarju (1)(2):

L-istrutturar u l-identifikazzjoni tal-aħjar approċċ ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll il-lista ta’ investituri fil-mira

Preparazzjoni ta’ materjali ta’ kummerċjalizzazzjoni

Il-ġestjoni tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni (inkluż ir-reklamar u l-iskrutinju tax-Xerrej), il-ġestjoni tal-proċess tal-offerti u l-Q&A mal-offerenti, l-appoġġ fl-immudellar/l-ipprezzar tal-portafoll biex jiġi stabbilit prezz ta’ “riżerva”

Evalwazzjoni tal-NBOs u evalwazzjoni ta’ proposti mhux vinkolanti

Diliġenza dovuta u tlestija tat-tranżazzjoni

Strateġija dwar strutturi ta’ finanzjament differenti (jiġifieri titolizzazzjoni vs bejgħ dirett)

ii.

Konsulenti legali u tat-taxxa:

Pariri legali inklużi dawk regolatorji

Struttura tat-trattattivi

Tħejjija tad-dokumentazzjoni legali

Konsulenza dwar it-taxxa fuq tranżazzjoni kumplessiva (struttura, taxxi fuq il-bejgħ, tariffa tas-servizz, eċċ.)

iii.

Konsulenti tekniċi:

Ġestjoni tal-proġett u assistenza fin-negozjati mal-offerenti

Ġestjoni tal-VDR u l-Q&A

Tħejjija ta’ siltiet tad-data tas-self

Analiżi tal-impatt

Test IFRS9

iv.

Fornituri tal-VDR

Struttura teknika u amministrazzjoni tal-VDR

Appoġġ tekniku

v.

Pjattaformi ta’ tranżazzjoni:

L-istrutturar tat-tranżazzjonijiet, l-għażla tal-portafoll, u l-ipprezzar indikattiv

Tħejjija, standardizzazzjoni u validazzjoni tas-silta tad-data tas-self

Preparazzjoni ta’ materjali ta’ kummerċjalizzazzjoni

Ġestjoni tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni (inklużi r-reklamar u l-iskrutinju tax-Xerrej)

Ġestjoni tal-VDR u l-Q&A

Ġestjoni online tal-proċess ta’ tranżazzjoni u l-ġestjoni tad-dokumenti

Il-ġestjoni online tal-offerti u l-proċess ta’ Diliġenza Dovuta

Faċilitazzjoni tal-proċessi tal-irkant tal-NPL b’Tipi ta’ Irkant differenti

Twettaq l-irkant tal-NPL abbażi tal-istruzzjonijiet tal-Bejjiegħ.


(1)  Il-banek tal-investiment jista’ jkollhom ir-rwol ta’ konsulenti finanzjarji u konsulenti tekniċi.

(2)  Il-konsulenti finanzjarji huma fil-biċċa l-kbira fornituri ta’ servizzi relatati mal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni.


ANNESS 4

Tipi ta’ rkant maġġuri

Irkant tad-dejn Ingliż (axxendenti)

Probabbilment huwa l-aktar irkant popolari. Dan huwa rkant bis-sistema klassika, meta l-Bejjiegħ jistabbilixxi l-prezz inizjali għall-NPLs u l-offerta tal-Investituri tal-Fażi 2, u b’hekk jgħolli dan il-prezz. L-ogħla offerta tirbaħ. Xi kultant, l-Investituri tal-Fażi 2 mhumiex attivi ħafna u l-prezz tal-għeluq ma jvarjax b’mod sinifikanti minn dak inizjali. F’dan il-każ, il-Bejjiegħ jista’ jikkanċella l-irkant jew jittrasferih għal jum ieħor. Normalment, l-irkant Ingliż ma jdumx aktar minn siegħa, li huwa biżżejjed biex kull min ikun interessat fl-NPLs jagħmel offerta.

Irkant tad-dejn Netherlandiż (dixxendenti)

L-irkant Ingliż huwa prevalenti ħafna, iżda hemm tipi oħra, bħall-irkant Netherlandiz, fejn kollox jaħdem bil-kontra. Fil-bidu tal-offerti, il-Bejjiegħ jistabbilixxi l-prezz mixtieq li għalih huwa lest li jbigħ l-NPLs. Bħala regola, dan huwa prezz pjuttost għoli. Matul l-irkant, il-prezz jibda jonqos sakemm wieħed mill-Investituri tal-Fażi 2 jagħmel offerta. F’dan il-punt, l-irkant jista’ jitqies magħluq. Ġeneralment, dan it-tip ta’ rkant jintuża meta l-Bejjiegħ jassumi li l-NPLs huma f’domanda għolja. Id-durata ta’ dan l-irkant jista’ jkun xi ħaġa minn ftit sekondi sa diversi jiem.

Irkant tal-NPL b’offerta ssiġillata (offerti moħbija)

It-tielet tip ta’ rkant li jintuża meta jinbiegħu l-NPLs jissejjaħ irkant b’offerta siġillata. F’dan it-tip ta’ rkant, l-offerenti kollha simultanjament jissottomettu offerti ssiġillati sabiex l-ebda offerent ma jkun jaf l-offerta ta’ xi parteċipant ieħor. L-ogħla offerent iħallas il-prezz li ġie sottomess. L-irkant b’offerta siġillata huwa bbażat fuq l-irkant Ingliż, bl-unika differenza tkun li l-offerti mhumiex pubbliċi.

Irkant ibridu ta’ NPL

Din hija verżjoni avvanzata tal-irkant klassiku. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jintuża l-irkant Ingliż. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet fejn tipi oħra ta’ rkant jaħdmu aħjar. Xi drabi, portafoll tal-NPL jinbiegħ f’żewġ rawnds. Pereżempju, l-ewwel ċiklu huwa rkant b’offerta siġillata u t-tieni ċiklu huwa l-irkant Ingliż. Huwa possibbli wkoll li tintuża taħlita ta’ rkant Netherlandiż u Ingliż għall-bejgħ tal-portafoll tal-NPL.

Irkant Ġappuniż

F’irkant Ġappuniż, l-Investituri tal-Fażi 2 ma jarawx il-pożizzjoni tagħhom, iżda se jkollhom jew jaċċettaw jew jirrifjutaw l- “offerta kurrenti” f’limitu ta’ żmien partikolari. Wara dan, jekk Investitur tal-Fażi 2 ikun aċċetta l-“offerta kurrenti”, jipproċedi għar-rawnd li jmiss fejn issir l-istess mistoqsija. L-irkant ikompli sakemm Investitur tal-Fażi 2 wieħed biss jibqa’ fil-kamra tal-irkant. Dan l-irkant tipikament jintuża meta jkun hemm biss għadd limitat ta’ Xerrejja possibbli u l-Bejjiegħ ikun irid jagħmel l-aħjar użu mill-offerta tal-Bejjiegħ.


ANNESS 5

Subkategorija ta’ NPLs “li x’aktarx ma jħallasx” (UTP)

Jekk is-self jaqa’ taħt il-kategorija “x’aktarx ma jħallasx” u l-kuntratt tas-self sottostanti ma jkunx ġie tterminat fiż-żmien previst tal-bejgħ, il-kuntratti tas-self xorta jistgħu jinkludu obbligi validi tal-Bejjiegħ, sabiex bejgħ dirett jista’ ma jkunx possibbli u/jew jiffaċċja limitazzjonijiet stretti.

Il-bejjiegħ għandu żewġ għażliet: a) ibigħ biss ir-riċevibbli; jew b) ibigħ ir-riċevibbli u l-obbligazzjonijiet kuntrattwali:

a)

Jekk ir-riċevibbli biss jista’ jiġi ttrasferit, l-obbligazzjonijiet marbuta mal-kuntratt kontinwament eżistenti jibqgħu għand il-Bejjiegħ.

b)

Rigward l-obbligazzjonijiet kuntrattwali, hemm xi għażliet, skont il-leġiżlazzjoni lokali u l-possibbiltajiet tal-vetturi:

It-trasferiment tal-kuntratti: din hija ħafna drabi l-għażla ppreferuta, peress li jkun subottimali li jinżamm kuntratt ma’ mutwatarju li fil-konfront tiegħu l-istituzzjoni ma jkollhiex aktar pretensjoni monetarja. Fid-determinazzjoni tat-trasferibbiltà tal-kuntratti, jeħtieġ li jiġi analizzat kif xieraq:

(i)

jekk ix-Xerrej jistax legalment jixtri l-kuntratt: f’ċerti ġuriżdizzjonijiet, il-vetturi tat-titolizzazzjoni huma tipikament ix-Xerrejja u xi drabi legalment ma jkunux jistgħu jixtru l-kuntratti. Għalhekk, bank/intermedjarju finanzjarju ieħor ikollu jidħol fl-iskema (1).

(ii)

kif tittratta l-kunsens tal-mutwatarju potenzjalment meħtieġ: f’ħafna leġiżlazzjonijiet, sostituzzjoni tal-kredituri mhijiex possibbli mingħajr il-kunsens tad-debitur.

Il-Bejjiegħ jibqa’ s-sellief irreġistrat u jżomm id-dmirijiet li jirriżultaw mill-pożizzjoni kuntrattwali.

Il-Bejjiegħ jibqa’ s-sellief tar-reġistrazzjoni u trid tiġi stabbilita struttura aktar ikkumplikata biex tiddisponi mir-riċevibbli u biex tafda lil parti terza bl-obbligi li jirriżultaw mill-pożizzjoni kuntrattwali (2).


(1)  Innota li struttura bħal din se tkun għalja biex tiġi stabbilita u l-portafoll irid ikun ta’ daqs kbir biżżejjed biex it-tranżazzjoni tibqa’ kummerċjalment vijabbli għall-partijiet kollha involuti.

(2)  Innota li struttura bħal din se tkun għalja biex tiġi stabbilita u l-portafoll irid ikun ta’ daqs kbir biżżejjed biex it-tranżazzjoni tibqa’ kummerċjalment vijabbli għall-partijiet kollha involuti.


ANNESS 6

LSPA – kontenut ewlieni

LSPA xierqa biex tbigħ portafoll speċifiku tal-NPL normalment teħtieġ personalizzazzjoni biex tirrifletti fost l-oħrajn il-partikolaritajiet tal-NPLs, il-kwalità tad-data u l-eżistenza u d-disponibbiltà ta’ dokumentazzjoni elettronika / stampata.

Is-suġġetti li ġejjin huma normalment ittrattati fl-LSPAs dment li l-ispeċifikazzjoni tal-klawżoli rilevanti tiddependi fuq il-partikolaritajiet tat-tranżazzjoni nnifisha (1), l-NPLs (2), il-liġi nazzjonali kif ukoll fuq il-livell mixtieq ta’ bbilanċjar tad-drittijiet u l-obbligi tal-bejjiegħ u tax-Xerrej.

1)

Identifikazzjoni tal-Bejjiegħ u tax-Xerrej .

2)

Speċifikazzjoni tal-NPLs bħala l-oġġett tax-xiri u l-assenjazzjoni, eż.

a)

fil-Parti prinċipali tal-LSPA: in-natura tal-NPLs, l-għadd ta’ NPLs, l-ammont pendenti totali taħt l-NPLs, is-somma tal-prezz tax-xiri

b)

f’anness (MS Excel): lista ta’ NPLs uniċi li għandhom jinbiegħu

3)

Dikjarazzjoni li l- NPLs jinbiegħu u jiġu assenjati lix-Xerrej permezz tal-LSPA (inkluż trasferiment tal-kollateral u inkluża r-reġistrazzjoni korrispondenti għal ipoteki, jekk applikabbli); jekk applikabbli skont il-ġuriżdizzjoni: barra minn hekk, l-hekk imsejħa ftehimiet ta’ trasferiment f’forma qasira se jiġu ffirmati għal kull NPL (garantit)

4)

Skeda ta’ żmien għat-tranżazzjoni, eż. speċifikazzjoni ta’ Data Limitu, Data tal-Iffirmar, Għeluq, pagament tal-prezz tax-xiri, għoti ta’ data u dokumentazzjoni; fakultattiv: Data tat-Tranżizzjoni tas-Servizzjar, fakultattiva: servizzjar interim tal-NPLs mill-bejjiegħ wara l-Għeluq.

5)

Jekk tiġi ddeterminata Data Limitu,

a)

normalment l-ispeċifikazzjoni tal-NPLs tirreferi għad-Data Limitu,

b)

hija meħtieġa speċifikazzjoni jekk il-flejjes kollha riċevuti fir-rigward tal-NPLs mid-Data Limitu ’l quddiem ikunu dovuti lill-Xerrej jew jekk kwalunkwe kost jew tariffa jenħtieġ li jitnaqqsu.

6)

Prezz tax-xiri u t-termini tal-ħlas inkluż

a)

Kif jiġi ddeterminat il-prezz tax-xiri u x’inhu l-ammont pagabbli eżatt f’liema munita (eż. il-ġbir bejn id-Data Limitu u d-Data tal-Iffirmar jitnaqqas meta x-Xerrej jagħmel il-pagament?)

b)

F’liema data għandu jitħallas il-prezz tax-xiri?

c)

Għal liema kont bankarju għandu jitħallas il-prezz tax-xiri?

d)

Jekk applikabbli: speċifika l-kostijiet/tariffi li jirriżultaw mill-bejgħ (eż. taxxa tal-boll, taxxi, kostijiet ta’ notifika / reġistrazzjoni) u liema parti se ġġarrabhom

e)

Fakultattiv (skont il-liġi nazzjonali): il-konklużjoni ta’ protokoll ta’ pagament bil-miktub irrakkomandat?

f)

Fakultattiv: jekk ikun tħallas depożitu, l-ammont jitnaqqas mill-prezz tax-xiri?

7)

Rigward l-ittri ta’ notifika lill-mutwatarju, l-LSPA jenħtieġ li tirregola:

a)

Liema parti hija responsabbli biex tibgħat l-ittri ta’ notifika?

b)

Hemm skadenza biex jintbagħtu l-ittri?

c)

Kif jiġu allokati l-kostijiet bejn il-partijiet?

d)

Ikun meħtieġ li jintlaħaq qbil bejn il-partijiet dwar il-formulazzjoni tal-ittra?

8)

Bejjiegħ R&Ws

a)

R&Ws Istituzzjonali relatati mal-bejjiegħ bħala entità

b)

R&Ws relatati mal-NPLs inklużi d-dokumentazzjoni ta’ data / (elettronika u stampata), l-oriġini u t-trattament minn qabel tal-NPLs, bil-bejjiegħ ikun is-sid tal-NPLs; jekk ikun applikabbli: R&Ws relatati mal-kollateral sottostanti, l-istatus legali, eċċ.

9)

L-obbligi tal-bejjiegħ, eż. kumpens għax-Xerrej f’każ ta’ ksur mill-bejjiegħ R l-għoti tal-flus u l-komunikazzjoni; fakultattiv: obbligi ulterjuri ta’ appoġġ wara l-Għeluq tal-bejjiegħ kif miftiehem max-Xerrej

10)

Xerrej R&Ws

a)

R&Ws istituzzjonali relatati max-Xerrej bħala entità

b)

Xerrej addizzjonali R&Ws jekk meħtieġ mill-bejjiegħ;

11)

Obbligi tax-xerrej, eż. servizzjar futur tal-NPLs f’konformità mal-liġijiet applikabbli; mandat ta’ servizzjant tal-NPL awtorizzat, jekk applikabbli skont il-liġi nazzjonali (3)

12)

Kooperazzjoni wara l-għeluq bejn il-bejjiegħ u x-Xerrej, eż.

a)

It-trattament tal-NPLs li jinsabu fl-istadju legali / ta’ infurzar fl-Għeluq

b)

Proċess ta’ riakkwist / sostituzzjoni ta’ NPLs Difettużi

c)

It-trattament ta’ kwalunkwe azzjoni meħtieġa wara l-Għeluq, eż. rigward l-għoti ta’ evidenza, rigward ir-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ ipoteki, jekk applikabbli

d)

Trattament ta’ tilwim serju / litigazzjoni mressqa minn mutwatarju wara l-Għeluq

13)

Reġim ta’ Obbligazzjoni, eż.

a)

X’ikun il-mekkaniżmu ta’ rimedju / kumpens għal NPLs Difettużi, eż. riakkwist / sostituzzjoni ta’ NPLs Difettużi, kumpens monetarju?

b)

L-obbligazzjoni ta’ waħda mill-partijiet jew tat-tnejn li huma tkun limitata? Jekk iva, il-limitazzjoni tkopri l-ksur tar-R&Ws kollha jew ċerti R&Ws ma jkunux koperti?

c)

Il-limitazzjoni tal-obbligazzjoni tista’ tinkludi: (i) ammont de minimis, (ii) basket ta’ obbligazzjonijiet (tipping/spilling) (4), (iii) ammont ta’ limitu ta’ obbligazzjoni, (iv) perjodu ta’ obbligazzjoni.

14)

Jekk applikabbli: Kundizzjonijiet Preċedenti għall-Għeluq , eż. approvazzjonijiet meħtieġa, kontroll tad-dokumentazzjoni mix-Xerrej,

15)

Trasferiment ta’ Data u Dokumentazzjoni

a)

Il-firxa u l-format tad-data u d-dokumentazzjoni

b)

Il-proċess prattiku tat-trasferiment tad-data u tad-dokumentazzjoni (inklużi r-riċevitur(i), eż. Xerrej u/jew servizzjant tal-kreditu) jenħtieġ li jiġi stipulat b’mod ċar

c)

Taqsima tal-Avviżi inklużi d-dettalji tal-kont bankarju tal-partijiet

d)

Liġi u Ġuriżdizzjoni

e)

Kunfidenzjalità, filwaqt li jitqies li servizzjant tal-kreditu jeħtieġ li jikseb data u informazzjoni u dik il-komunikazzjoni mal-mutwatarji, mal-qrati, potenzjalment is-sottokuntratturi jenħtieġ li jkunu koperti.


(1)  Kun af li l-bejgħ ta’ NPLs fuq bażi ta’ fluss ’il quddiem (fejn jinbiegħu NPLs futuri) ikun jeħtieġ stipulazzjonijiet addizzjonali meta mqabbel mal-bejgħ ta’ stokk eżistenti ta’ NPLs. Huwa rrakkomandat li l-bejjiegħa mingħajr esperjenza jibdew b’bejgħ ta’ stokk ta’ NPLs.

(2)  Innota li l-NPLs garantiti normalment jeħtieġu stipulazzjonijiet addizzjonali li huma msemmija b’mod ġenerali biss, iżda mhux koperti fid-dettall fil-lista li ġejja.

(3)  Wara l-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu u x-xerrejja tal-kreditu: Sakemm ix-Xerrej ma jkunx awtorizzat bħala servizzjant tal-kreditu nnifsu jew tapplika eċċezzjoni, ix-Xerrej jeħtieġ li jagħti mandat lil servizzjant tal-kreditu awtorizzat.

(4)  Basket ta’ obbligazzjonijiet ifisser li pretensjoni ta’ obbligazzjoni taħt ċertu limitu ma tiġix ikkumpensata mill-parti responsabbli. Taħt “spilling basket” il-pretensjonijiet ta’ obbligazzjoni li jaqbżu l-limitu biss se jiġu kkumpensati filwaqt li “tipping basket” tfisser li, ladarba jintlaħaq livell limitu, anki l-ammont sal-livell limitu minimu.jkun kumpensat.


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/50


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

L-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

(2022/C 405/02)

Il-Kummissjoni approvat il-kontenut ta’ abbozz għal Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu fl-14 ta’ Ottubru 2022.

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa mehmuż bħala Anness ma’ din il-Komunikazzjoni.

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika fi:

http://ec.europa.eu/competition/consultations/open.html


ANNESS

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/… tal-14 Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

ABBOZZ TA’

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (1),

Wara li ppubblikat l-abbozz ta’ dan ir-Regolament (2)

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara, permezz ta’ regolament u skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 (3) jiddefinixxi kategoriji ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li l-Kummissjoni tqis li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan ir-Regolament jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Fil-5 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1218/2010. L-evidenza miġbura fl-evalwazzjoni tissuġġerixxi li r-Regolament (UE) Nru 1218/2010 kien strument utli u r-regoli tiegħu jibqgħu rilevanti għall-partijiet konċernati. Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni, tas-7 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta’ politika għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni.

(4)

Sabiex il-Kummissjoni tingħata biżżejjed żmien biex tlesti l-proċess għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni u skont is-setgħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2821/71, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1218/2010 jenħtieġ li jiġi estiż b’sitt xhur.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1218/2010 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1218/2010, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tliet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (li qabel kien l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE) sar l-Artikolu 101 tat-Trattat. Dawn id-dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Artikolu 85 tat-Trattat tal-KEE jew l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat fejn xieraq.

(2)  ĠU C 405, 21.10.2022, p. 50.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18 ta’ Diċembru 2010, p. 43).


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/53


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

L-approvazzjoni tal-kontenut ta’ abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

(2022/C 405/03)

Il-Kummissjoni approvat il-kontenut tal-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu, fl-14 ta’ Ottubru 2022.

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa mehmuż bħala Anness ma’ din il-Komunikazzjoni.

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika fi:

http://ec.europa.eu/competition/consultations/open.html


ANNESS

REGOLAMENT TAL-KUMISSJONI (UE) 2022/… ta’ 14 Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

ABBOZZ

Test b’rilevanza għaż-ŻEE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (1),

Wara li ppubblikat l-abbozz ta’ dan ir-Regolament (2)

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara, permezz ta’ regolament u skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet tar-riċerka u l-iżvilupp.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 (3) jiddefinixxi kategoriji ta’ ftehimiet tar-riċerka u l-iżvilupp li l-Kummissjoni tqis li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan ir-Regolament jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Fil-5 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1217/2010. L-evidenza miġbura fl-evalwazzjoni tissuġġerixxi li r-Regolament (UE) Nru 1217/2010 kien strument utli u r-regoli tiegħu għadhom rilevanti għall-partijiet ikkonċernati. Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni, fis-7 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet ta’ politika għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-ftehimiet tar-riċerka u l-iżvilupp.

(4)

Sabiex il-Kummissjoni tingħata biżżejjed żmien biex tlesti l-proċess għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-ftehimiet tar-riċerka u l-iżvilupp, u skont is-setgħa tal-Kummissjoni mogħtija bl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2821/71, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1217/2010 jenħtieġ li jiġi estiż b’sitt xhur.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1217/2010 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1217/2010, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (li qabel kien l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE) sar l-Artikolu 101 tat-Trattat. Dawn id-dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Artikolu 85 tat-Trattat KEE jew l-Artikolu 81 tat-Trattat KE jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat fejn xieraq.

(2)  ĠU C 405, 21.10.2022, p. 53.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp, (ĠU L 335, 18 ta’ Diċembru 2010, p. 36).


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/56


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini li jipprevedu akkumulazzjoni djagonali bejn il-Partijiet Kontraenti applikanti (1) fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja (PEM)

(2022/C 405/04)

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni djagonali tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti applikanti, il-Partijiet Kontraenti applikanti kkonċernati jinnotifikaw lil xulxin, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, dwar ir-regoli tal-oriġini fis-seħħ mal-Partijiet Kontraenti applikanti l-oħra.

Ta’ min ifakkar li l-akkumulazzjoni djagonali (tat-tħaddim, tal-ipproċessar u/jew tal-materjali) tista’ tiġi applikata biss jekk il-Partijiet Kontraenti applikanti tal-manifattura aħħarija u tad-destinazzjoni aħħarija jkunu kkonkludew ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, li fihom regoli tal-oriġini identiċi, mal-Partijiet Kontraenti applikanti kollha li qed jipparteċipaw fil-kisba tal-istatus oriġinarju.

Prodotti li joriġinaw f’Parti Kontraenti applikanti li ma tkunx ikkonkludiet ftehim mal-Partijiet Kontraenti applikanti tal-manifattura aħħarija u/jew tad-destinazzjoni aħħarija għandhom jiġu ttrattati bħala mhux oriġinarji.

Abbażi tan-notifiki li jsiru mill-Partijiet Kontraenti applikanti lill-Kummissjoni Ewropea, it-tabelli mehmuża jispeċifikaw:

 

Tabella 1 – ħarsa ġenerali simplifikata lejn il-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni fil-15 ta' Ottubru 2022.

 

Tabella 2 – id-data li fiha l-akkumulazzjoni djagonali ssir applikabbli.

Fit-Tabella 1, “X” tindika l-eżistenza ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn żewġ sħab li jkun fih ir-regoli tal-oriġini li jippermettu l-akkumulazzjoni bbażata fuq ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini. Għall-użu ta’ akkumulazzjoni djagonali ma’ sieħeb terz, jenħtieġ li jkun hemm “X” fl-intersezzjonijiet kollha tat-tabella bejn it-tliet sħab.

Fit-Tabella 2, id-dati msemmija jirreferu għad-data tal-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni djagonali abbażi tal-Artikolu 8 tal-Appendiċi A għal kull protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini bejn il-Partijiet Kontraenti applikanti. F’dak il-każ, id-data hija preċeduta b’“(T)”.

Lista ta’ Partijiet Kontraenti applikanti li jkunu għażlu li jestendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-regoli tranżizzjonali previsti fl-Appendiċi A tal-protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 50 sa 63 unilateralment, tinsab fl-Anness I.

Il-kodiċijiet għall-Partijiet Kontraenti applikanti elenkati fit-tabelli huma mogħtija hawn taħt.

L-Unjoni Ewropea

UE

L-Istati tal-EFTA:

L-Iżlanda

IS

L-Iżvizzera (inkluż il-Liechtenstein) (2)

CH (+ LI)

In-Norveġja

NO

Il-Gżejjer Faeroe

FO

Il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Barċellona:

 

Il-Ġordan

JO

Il-Palestina (3)

PS

Il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tal-UE:

L-Albanija

AL

Il-Maċedonja ta’ Fuq

MK

Is-Serbja

RS

Il-Montenegro

ME

Il-Georgia

GE

Ir-Repubblika tal-Moldova

MD

Il-Kosovo (*)

KO

Dan l-avviż jissostitwixxi l-avviż 2022/C 202/01 (ĠU C 202, 19.5.2022, p.1).

Tabella 1

Ħarsa ġenerali simplifikata tal-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni djagonali skont ir-regoli tranżizzjonali tal-oriġini fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja fil-15 ta' Ottubru 2022

 

UE

CH (+LI)

IS

NO

FO

JO

PS

AL

KO

MK

RS

ME

GE

MD

UE

 

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

X

CH (+LI)

X

 

X

X

 

 

 

X

 

X

X

X

 

 

IS

X

X

 

X

 

 

 

X

 

X

X

X

 

 

NO

X

X

X

 

 

 

 

X

 

X

X

X

 

 

FO

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

JO

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

PS

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

AL

X

X

X

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

KO

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

MK

X

X

X

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

RS

X

X

X

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

ME

X

X

X

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

GE

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

MD

X

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Tabella 2

Data tal-applikazzjoni tar-regoli tranżizzjonali tal-oriġini li jipprevedu akkumulazzjoni djagonali fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja

 

UE

CH (+LI)

IS

NO

FO

JO

PS

AL

KO

MK

RS

ME

GE

MD

UE

 

(T) 1.9.2021

(T) 1.9.2021

(T) 1.9.2021

(T) 1.9.2021

(T) 1.9.2021

(T) 1.9.2021

(T) 1.9.2021

(T) 15.10.2022

(T) 9.9.2021

(T) 6.12.2021

(T) 9.2.2022

(T) 1.9.2021

(T) 16.11.2021

CH (+LI)

(T) 1.9.2021

 

(T) 1.11.2021

(T) 1.11.2021

 

 

 

(T) 1.1.2022

 

(T) 1.4.2022

(T) 1.1.2022

(T) 1.4.2022

 

 

IS

(T) 1.9.2021

(T) 1.11.2021

 

(T) 1.11.2021

 

 

 

(T) 1.1.2022

 

(T) 1.4.2022

(T) 1.1.2022

(T) 1.4.2022

 

 

NO

(T) 1.9.2021

(T) 1.11.2021

(T) 1.11.2021

 

 

 

 

(T) 1.1.2022

 

(T) 1.4.2022

(T) 1.1.2022

(T) 1.4.2022

 

 

FO

(T) 1.9.2021

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

JO

(T) 1.9.2021

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

PS

(T) 1.9.2021

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

AL

(T) 1.9.2021

(T) 1.1.2022

(T) 1.1.2022

(T) 1.1.2022

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

KO

(T) 15.10.2022

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

MK

(T) 9.9.2021

(T) 1.4.2022

(T) 1.4.2022

(T) 1.4.2022

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

RS

(T) 6.12.2021

(T) 1.1.2022

(T) 1.1.2022

(T) 1.1.2022

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

ME

(T) 9.2.2022

(T) 1.4.2022

(T) 1.4.2022

(T) 1.4.2022

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

GE

(T) 1.9.2021

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

MD

(T) 16.11.2021

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  “Parti Kontraenti applikanti” tfisser Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni PEM li tinkorpora r-regoli tranżizzjonali tal-oriġini tal-PEM fil-ftehimiet kummerċjali preferenzjali bilaterali tagħha ma’ Parti Kontraenti oħra tal-Konvenzjoni PEM

(2)  L-Iżvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein jiffurmaw unjoni doganali.

(3)  Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS I

Lista ta’ Partijiet Kontraenti applikanti li jkunu għażlu li jestendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3)

A.

Lista ta’ Partijiet Kontraenti applikanti li jkunu għażlu li jestendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) għas-sħab tagħhom kollha li japplikaw ir-regoli tranżizzjonali

L-Iżlanda

In-Norveġja

L-Iżvizzera (il-Liechtenstein)

B.

Lista ta’ Partijiet Kontraenti applikanti li jkunu għażlu li jestendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) għal numru limitat ta’ sħab tagħhom li japplikaw ir-regoli tranżizzjonali

L-Albanija – għall-Istati tal-EFTA

L-Albanija – għall-Istati tal-EFTA

Il-Maċedonja ta’ Fuq – għall-Istati tal-EFTA

Is-Serbja – għall-Istati tal-EFTA


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/61


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10864 — AGC GLASS EUROPE / INTERPANE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 405/05)

Fit 21 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10864. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/62


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10870 — CAPVEST / NATRA)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 405/06)

Fit 20 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10870. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il–Kunsill

21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/63


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2022/1986, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2022/C 405/07)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986 (2), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (3), kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Ir-raġunijiet li ddeterminaw id-deżinjazzjoni tal-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati huma speċifikati fl-entrati korrispondenti fl-Annessi inkwistjoni.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti web fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 269/2014, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw il-fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 4 tar-Regolament).

Il-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej qabel it-2 ta' Novembru 2022:

Council of the European Union

General Secretariat

RELEX.1.

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussell

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

Qiegħda tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati dwar il-possibbiltà li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2), u l-Artikolu 263(4) u (6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  ĠU L 272 I, 20.10.2022, p. 5.

(3)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(4)  ĠU L 272 I, 20.10.2022, p. 1.


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/65


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew l-korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986, u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2022/C 405/08)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew l-korpi li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986 (2)+, u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (3) kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 (4) dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jeħtieġ li dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi jridu jirrapportaw, qabel l-1 ta' Settembru 2022 jew fi żmien 6 ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness I, skont liema tkun l-aktar reċenti, fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni tal-UE li jappartjenu lilhom, huma proprjetà tagħhom, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi. Huma jridu jikkooperaw mal-awtorità kompetenti nazzjonali biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod. In-nuqqas ta' konformità ma' dawn l-obbligi ser titqies bħala ċirkomvenzjoni tal-miżuri dwar l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi.

L-informazzjoni li trid tiġi rrapportata trid tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti permezz tas-sit web tagħha kif indikat fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 (5).

L-obbligu ta' rappurtar skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 ma japplikax qabel l-1 ta' Jannar 2023 fir-rigward ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi li jinsabu fi Stat Membru li kien stabbilixxa obbligu ta' rappurtar simili skont id-dritt nazzjonali qabel il-21 ta' Lulju 2022.


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  ĠU L 272I, 20.10.2022, p.5.

(3)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(4)  ĠU L 272I, 20.10.2022, p.1.

(5)  L-aħħar verżjoni kkonsolidata disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A02014R0269-20220916&qid=1666170179071


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/66


Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

(2022/C 405/09)

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Il-bażijiet ġuridiċi għal din l-operazzjoni ta' pproċessar huma d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (2), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1986 (3), u r-Regolament tal-Kunsil (UE) Nru 269/2014 (4), kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1985 (5).

Il-kontrollur ta' din l-operazzjoni ta' pproċessar huwa d-Dipartiment RELEX.1 fid-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni (RELEX) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK), li jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:

Council of the European Union

General Secretariat

RELEX.1.

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussell

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tas-SĠK jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz elettroniku:

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

data.protection@consilium.europa.eu

L-għan tal-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f'konformità mad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2022/1986, u mar-Regolament (UE) Nru 269/2014, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2022/1985.

Is-soġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar fil-lista kif stipulati fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni korretta tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata ma' dan.

Id-data personali miġbura tista' titqassam skont kif ikun meħtieġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni.

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data bħad-dritt għal aċċess, kif ukoll id-drittijiet għal rettifika jew għal oġġezzjoni ser jitwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

Id-data personali ser tinżamm għal ħames snin minn meta s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta' persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet, jew sakemm ikunu fis-seħħ proċedimenti tal-qorti f'każ li dawn ikunu nbdew.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew mhux ġudizzjarju, is-suġġetti tad-data jistgħu jressqu lment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (edps@edps.europa.eu).


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(3)  ĠU L 272 I, 20.10.2022, p. 5.

(4)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(5)  ĠU L 272 I, 20.10.2022, p. 1.


21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/68


Avviż għall-attenzjoni ta' ċerti persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2022/C 405/10)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-Brigadier Ġeneral tal-IRGC Hossein Salami, il-Brigadier Ġeneral tal-IRGC Amir Ali Haji ZADEH, il-Forza Ajruspazjali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika u Qods Aviation Industries, persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u fl-Anness IX għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

Il-Kunsill biħsiebu jinkludi lill-persuni u l-entitajiet imsemmija hawn fuq fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati huma b'dan infurmati li jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill biex jiksbu d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet previsti għad-deżinjazzjoni tagħhom, sat-28 ta' Ottubru 2022, fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

General Secretariat

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu


Il-Kummissjoni Ewropea

21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/69


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta' Ottubru 2022

(2022/C 405/11)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

0,9811

JPY

Yen Ġappuniż

146,99

DKK

Krona Daniża

7,4389

GBP

Lira Sterlina

0,87258

SEK

Krona Żvediża

10,9820

CHF

Frank Żvizzeru

0,9836

ISK

Krona Iżlandiża

141,10

NOK

Krona Norveġiża

10,4020

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,525

HUF

Forint Ungeriż

411,20

PLN

Zloty Pollakk

4,7728

RON

Leu Rumen

4,9203

TRY

Lira Turka

18,2257

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5554

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3461

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

7,7008

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7206

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,3959

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 400,30

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

17,9106

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,0858

HRK

Kuna Kroata

7,5353

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 250,05

MYR

Ringgit Malażjan

4,6396

PHP

Peso Filippin

57,742

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

37,360

BRL

Real Brażiljan

5,1387

MXN

Peso Messikan

19,7005

INR

Rupi Indjan

81,1755


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/70


AVVIŻ SKONT L-ARTIKOLU 29(2) TAR-REGOLAMENTI TAL-PERSUNAL

Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali għall-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) (grad AD 15)

COM/2022/10417

(2022/C 405/12)

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ post battal (referenza COM/2022/10417) għall-funzjoni ta’ Direttur Ġenerali tal-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) (grad AD 15).

Biex tikkonsulta t-test tal-avviż ta’ post vakanti f’24 lingwa u biex tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok żur din il-paġna web speċifika fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea: https://europa.eu/!PWMk8J


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 405/71


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-każ M.10950 – OTPP / MAHINDRA / MSPL)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 405/13)

1.   

Fil-11 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Ontario Teachers’ Pension Plan (“OTPP”, il-Kanada),

Mahindra Holdings Limited (“Mahindra”, l-Indja),

Mahindra Susten Private Limited (“MSPL”, l-Indja).

OTPP u Mahindra se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ MSPL.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

OTPP tamministra l-benefiċċji tal-pensjoni u l-investiment tal-assi tal-pjanijiet tal-pensjoni tal-għalliema fil-provinċja Kanadiża ta’ Ontario,

Mahindra hija attiva f’diversi setturi inklużi iżda mhux limitati għas-settur awtomobilistiku, tas-servizzi finanzjarji, tal-infrastruttura u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

3.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-MSPL huma s-sjieda, l-operat u l-iżvilupp ta’ proġetti u assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija solari primarjament fl-Indja.

4.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) għandu jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

5.   

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Ir-referenza li ġejja għandha dejjem tiġi speċifikata:

M.10950 – OTPP / MAHINDRA / MSPL

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika, bil-fax jew bil-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Fax +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.