ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 327

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
30 ta' Awwissu 2022


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 327/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10341 — PRINCE / FERRO) ( 1 )

1

2022/C 327/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10301 — CVC / ETHNIKI) ( 1 )

2

2022/C 327/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10814 — HEDIN / MOTOR-CAR) ( 1 )

3


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 327/04

Rata tal-kambju tal-euro — Id-29 ta' Awwissu 2022

4


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 327/05

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

5

2022/C 327/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

20


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10341 — PRINCE / FERRO)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 327/01)

Fit 25 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) flimkien mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10341. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


30.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10301 — CVC / ETHNIKI)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 327/02)

Fit 24 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10301. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


30.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/3


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10814 — HEDIN / MOTOR-CAR)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 327/03)

Fit 22 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10814. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta' Awwissu 2022

(2022/C 327/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

0,9986

JPY

Yen Ġappuniż

138,49

DKK

Krona Daniża

7,4379

GBP

Lira Sterlina

0,85420

SEK

Krona Żvediża

10,6280

CHF

Frank Żvizzeru

0,9670

ISK

Krona Iżlandiża

141,10

NOK

Krona Norveġiża

9,7675

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,592

HUF

Forint Ungeriż

409,90

PLN

Zloty Pollakk

4,7450

RON

Leu Rumen

4,8699

TRY

Lira Turka

18,1605

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4529

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3026

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

7,8368

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6305

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,3950

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 347,47

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

16,8891

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

6,9044

HRK

Kuna Kroata

7,5119

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 871,09

MYR

Ringgit Malażjan

4,4837

PHP

Peso Filippin

56,187

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

36,399

BRL

Real Brażiljan

5,0663

MXN

Peso Messikan

19,9876

INR

Rupi Indjan

79,8295


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

30.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 327/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MA HIJIEX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Steirisches Kürbiskernöl”

Nru tal-UE: PGI-AT-1460-AM02 – 9.12.2019

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Gemeinschaft der Arbeitsgemeinschaft Steirischer Kürbisbauern Gen.m.b.H. [L-Assoċjazzjoni tal-bdiewa tal-qara’ aħmar tas-Steiermark],

Landesinnung Steiermark des Lebensmittelgewerbes Berufszweig Ölpresser [Il-fergħa tal-magħsar taż-żrieragħ taż-żjut tax-xirka tal-industrija tal-ikel tas-Steiermark].

c/o Gemeinschaft Steirisches Kürbiskernöl g.g.A. [L-Assoċjazzjoni tal-IĠP “Steirisches Kürbiskernöl”]

Julius Strauß Weg 1a

8430 Leibnitz

ÖSTERREICH

Tel. +43 345272151

Faks +43 34527215115

Email: office@steirisches-kuerbiskernoel-gga.at

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [rekwiżiti nazzjonali]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkunx ġie ppubblikat Dokument Uniku (jew ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott applikabbli sal-lum, li fiha diversi dokumenti individwali, inġabret f’dokument wieħed u ġiet riveduta, primarjament biex jitqiesu r-rekwiżiti li jirregolaw il-proċess tal-produzzjoni u l-prova tal-oriġini u biex tiġi kkoreġuta ż-żona ġeografika, li oriġinarjament kienet murija b’mod korrett fuq mappa iżda kienet iddefinita b’mod wisq ristrett fit-test, u biex tiġi ddefinita u kkoreġuta f’konformità mal-bidliet fl-ismijiet tad-distretti politiċi. Id-deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta’ kontroll hija pprovduta għall-fini ta’ kjarifika u biex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni u biex tgħin biex jiġu żgurati l-kwalità u d-distintività tas-“Steirisches Kürbiskernöl”.

Fid-dettall:

Deskrizzjoni tal-prodott:

Punt 5b tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali - Deskrizzjoni

“Żejt li jittiekel viskuż, ta’ kulur skur, użat l-aktar bħala żejt għall-insalata. Prodott bl-għasir mingħajr wisq tagħfis taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar tas-Steiermark li huma naturalment bla qoxra (Cucurbita pepo var. styriaca). Kontenut għoli ta’ xaħmijiet poliinsaturati u nutrittivi ħafna.”

u l-ispjegazzjoni

“Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ huwa żejt li jittiekel, skur u viskuż, b’togħma ta’ ġewż. Kwalità partikolari tiegħu hija li jeħel sew mal-weraq tal-insalata. Peress li għandu kontenut għoli ta’ xaħmijiet poliinsaturati, huwa nutrittiv ħafna.

Analiżi:

Il-piż speċifiku: 0,90–0,92 kg/l

Kontenut tax-xaħam 90 %,

li minnu 40– 60 % huwa aċidu linolejku u 25–40 % huwa aċidu olejku, flimkien madwar 80 %; 10–25 % huwa aċidu palmitolejku, 3–6 % aċidu steariku, u 1–2 % aċidi xaħmin oħrajn

Il-prodott bażi għaż-żejt huwa l-“qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark”Cucurbita pepo var. styriaca (magħruf ukoll bħala l-qara’ aħmar taż-żejt li huwa minnu bla qoxra fin-natura), varjetà mutant li l-erba’ ċelloli l-aktar esterni tagħha (il-qxur taż-żrieragħ) ma jsirux ħoxnin u mgħottija bl-injam. Dan jagħti liż-żrieragħ il-kulur tipiku ta’ aħdar lewn iż-żebbuġ għal skur. Skont il-ġenetista Awstrijak Erich Tschermak von Seysnegg, il-qara’ aħmar tas-Steiermark x’aktarx li żviluppa b’mod spontanju minħabba mutazzjoni ta’ telf ta’ funzjoni fis-seklu li għadda.

Iż-żrieragħ għandhom il-kompożizzjoni nutrittiva li ġejja:

Il-kompożizzjoni tvarja skont is-sena tal-għelejjel:

Xaħam: 45–53 %

Proteini: 32–38 %

Karboidrati: 3–5 %

Fibra kruda: 2–4 %

Minerali: 4–6 % (potassju, fosfru, kalċju, manjeżju, ħadid, ram, manganiż, selenju, żingu)

Vitamini: E, B1, B2, B6, C, A, D.

Madwar 615 kcal għal kull porzjon ta’ 100 g.

Nutrijenti importanti oħra:

L-isterol tal-pjanti u ċ-ċitrullina (effett farmakoloġiku fuq id-disturbi tal-prostata)

Skwalin (livelli ta’ kolesterol)

Minħabba n-nutrijenti preżenti, iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar tas-Steiermark huma differenti ħafna minn żrieragħ normali li ġew imqaxxra. Id-differenza bejn il-qara’ aħmar ‘imqaxxar’ u ‘minnu bla qoxra fin-natura’ f’termini tal-valur nutrittiv hija murijaa hawn taħt (Eduard von Boguslawski):

Żrieragħ

piż xott assolut

bħala % tal-piż xott

Xaħam mhux ipproċessat

Potassju mhux ipproċessat

Fibra mhux ipproċessata

Qara’ aħmar imqaxxar

90,0

39,6

27,7

19,6

Qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark

90,0

48,6

36,3

4,4

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ għalhekk huwa differenti minn żjut oħra li jittieklu b’żewġ modi importanti: il-prodott bażi tipiku għar-reġjun (żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra) u l-proċess uniku tal-għasir (l-ebda raffinar).”

għandha tiġi sostitwita, biex titejjeb u tiġi ċċarata d-deskrizzjoni, b’:

“5b)   Deskrizzjoni:

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ jinkiseb minn żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark li huma naturalment bla qoxra (Cucurbita pepo var. styriaca).

Iż-żrieragħ iridu jkunu żrieragħ iċċertifikati minn varjetà ta’ qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark awtorizzata fl-Awstrija u elenkata fil-lista Awstrijaka ta’ varjetajiet.

Iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar dejjem jiġu inkaljati qabel ma jintgħasru. Dan jagħti żejt dikrojku ta’ kulur skur li jidher aħdar skur/ħamrani kontra d-dawl.

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ huwa żejt viskuż b’riħa karatteristika.

Għandu togħma bejn wieħed u ieħor tal-ġewż skont l-intensità tal-proċess tal-inkaljar.

Iż-żejt la huwa ffiltrat u lanqas raffinat. Ma titneħħilux il-ħama, u ma huwiex (parzjalment) deaċidifikat, ibbliċjat, deodorizzat u/jew frazzjonat.

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ jikkonsisti f’100 % żejt pur miksub mill-ewwel għasir taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark naturalment bla qoxra miż-żona tat-tkabbir definita u magħsura fiż-żona definita.

It-taħlit ma’ żjut jew żrieragħ oħra ma huwiex permess.

Iż-żejt għandu kontenut għoli ta’ xaħmijiet poliinsaturati u huwa nutrittiv ħafna.

Parametri medji għas-‘Steirisches Kürbiskernöl’:

Il-kontenut taż-żejt, il-piż speċifiku u l-profil tal-aċidi xaħmin taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra mill-qara’ aħmar taż-żejt ta' Steiermark jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli, skont il-ħamrija u l-kundizzjonijiet tat-temp fil-post fejn jitkabbar il-qara’ aħmar u l-grad ta’ sajran.

Il-piż speċifiku: 0,90–0,92 kg/l

Kontenut ta’ xaħam ta’ mill-inqas 99 %,

li minnu 37–60 % huwa aċidu linolejku u 25–44 % huwa aċidu olejku, flimkien madwar 80 %,

10-20 % aċidu palmitiku,

3–7 % aċidu steariku,

1–2 % aċidi xaħmin oħra.

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ huwa differenti minn żjut oħra li jittieklu b’diversi modi importanti. L-ewwel nett, minħabba l-prodott bażi tipiku għar-reġjun (żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra) fiż-żona tat-tkabbir iddefinita ġeografikament u, it-tieni, minħabba l-proċess tipiku tal-għasir (mekkaniku/idrawliku) wara l-inkaljar taż-żrieragħ.”

Raġunijiet:

Il-kwalità u d-dehra partikolari tas-“Steirisches Kürbiskernöl” dejjem tqiesu bħala prodott tal-klima reġjonali fiż-żona ta’ tkabbir definita, tal-għarfien espert tal-bdiewa fit-tkabbir, tal-ħsieb għal u l-ħsad tal-għalla u tal-metodu tradizzjonali ta’ produzzjoni tal-għasir taż-żejt. Għalhekk, huwa biss iż-żejt miksub minn żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark naturalment bla qoxra (Cucurbita pepo var. styriaca) li ġie deskritt bħala s-“Steirisches Kürbiskernöl” ta’ oriġini protetta bit-togħma u l-aroma tiegħu bla paragun. Il-kliem, li parti minnu kien jinsab fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali u li parti minnu issa ġiet miżjuda, huwa maħsub biex jesprimi b’mod inekwivoku li 100 % żejt pur miksub mill-ewwel għasir taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark minnu bla qoxra miż-żona ta’ tkabbir definita u magħsur fiż-żona definita biss jista’ jiġi ttikkettat bħala s-“Steirisches Kürbiskernöl”. Peress li titkabbar biss żerriegħa ċċertifikata minn varjetajiet ta’ qara’ aħmar taż-żejt ta' Steiermark awtorizzati fl-Awstrija u elenkati fil-lista Awstrijaka ta’ varjetajiet, dan jiggarantixxi li jiġu ppropagati biss it-tipi ta’ għelejjel li huma adattati għaż-żona tat-tkabbir Awstrijaka u għalhekk iżommu l-kwalità taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar meħtieġa biex jiġu żgurati l-kwalità u t-togħma karatteristika tas-“Steirisches Kürbiskernöl”.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott użata sal-lum tat kontenut ta’ xaħam ta’ 90 %; dan issa ġie kkoreġut għal “mill-inqas 99 %”, peress li ġeneralment ikun bejn 99 % u 100 %. L-aċidi xaħmin elenkati ġew aġġustati skont dan.

Il-lista preċedenti tal-kompożizzjoni nutrizzjonali taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar tħassret, peress li dawn il-valuri ma japplikawx bl-istess mod għaż-żejt miksub miż-żrieragħ, u għalhekk jistgħu possibbilment iħawdu lill-konsumaturi iżda huma rilevanti għal skopijiet ta’ monitoraġġ. Bl-istess mod, il-valuri ddeterminati minn Eduard von Boguslawski u stipulati fit-tabella li kienet ippreżentata qabel dwar id-differenzi fin-nutrijenti bejn il-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark u l-qara’ aħmar imqaxxar ma jirreferux b’mod ċar għall-porzjon li jittiekel taż-żerriegħa, li wassal għal kritika, għalhekk din it-tabella tħassret ukoll.

Ir-reviżjoni tad-deskrizzjoni sservi biex tagħmel l-informazzjoni aktar preċiża u żżomm il-fiduċja tal-konsumatur fil-kwalità, l-uniċità u r-reputazzjoni tas-“Steirisches Kürbiskernöl”. Dan ma jaffettwax il-kwalità tal-prodott taż-żejt jew il-kwalitajiet organolettiċi tiegħu, bħall-kulur, l-aroma u t-togħma, b’mod partikolari.

Żona ġeografika:

Il-Punt 5c tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali - żona ġeografika

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” jingħasar esklużivament fiż-żona tradizzjonali tan-Nofsinhar tas-Steiermark (id-distretti politiċi ta’ Deutschlandsberg, Feldbach, Fürstenfeld, Graz-Umgebung, Hartberg, Leibnitz, Radkersburg, Voitsberg u Weiz) u fin-Nofsinhar ta’ Burgenland (id-distretti ta’ Jennersdorf, Güssing u Oberwart). Il-prodott bażi (żrieragħ tal-qara’ aħmar tas-Steiermark naturalment bla qoxra) joriġina biss miż-żona tradizzjonali t’hawn fuq u minn partijiet tal-Awstrija t’Isfel (id-distretti politiċi ta’ Hollabrunn, Horn, Mistelbach, Melk, Gänserndorf, limitat għad-distrett ta’ Zistersdorf, u Korneuburg-Stockerau, limitat għad-distrett ta’ Stockerau).”

u l-ispjegazzjoni

“Il-kwalità speċjali tal-prodott tirriżulta minn żewġ komponenti. L-ewwel nett, il-klima speċjali tal-Illirju u subalpina fiż-żona tat-tkabbir taż-żerriegħa – iż-żona tat-tkabbir tradizzjonali, ara l-mappa fl-Anness 1a) li turi ż-żona tan-Nofsinhar tas-Steiermark (id-distretti politiċi ta’ Deutschlandsberg, Feldbach, Fürstenfeld, Graz-Umgebung, Hartberg, Leibnitz, Radkersburg, Voitsberg u Weiz), iż-żona tan-Nofsinhar tal-Burgenland (id-distretti ta’ Jennersdorf, Güssing u Oberwart), l-Awstrija t’Isfel (id-distretti politiċi ta’ Melk, Horn u Mistelbach) – u, it-tieni, il-metodu tal-produzzjoni tradizzjonali żviluppat speċjalment fiż-żona tas-Steiermark, ara l-mappa 1b) – iż-żona tan-Nofsinhar tas-Steiermark (id-distretti politiċi ta’ Bad Radkersburg, Deutschlandsberg, Feldbach, Fürstenfeld, Graz-Umgebung, Hartberg, Leibnitz, Voitsberg u Weiz (ara l-mappa tas-Steiermark), u n-Nofsinhar ta’ Burgenland (id-distretti politiċi ta’ Güssdorf, Jennersdorf u Oberwart).”

għandha tiġi sostitwita bi:

“5c)   Żona ġeografika

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ jingħasar esklużivament fiż-żona tradizzjonali tan-Nofsinhar tas-Steiermark (id-distretti politiċi ta’ Deutschlandsberg, Graz, Graz-Umgebung, Hartberg-Fürstenfeld, Leibnitz, Südoststeiermark, Voitsberg u Weiz) u fin-Nofsinhar ta’ Burgenland (id-distretti ta’ Jennersdorf, Güssing u Oberwart).

Il-prodott bażi (żrieragħ tal-qara’ aħmar tas-Steiermark naturalment bla qoxra) joriġina biss miż-żona tradizzjonali t’hawn fuq tan-Nofsinhar tas-Steiermark u tan-Nofsinhar ta’ Burgenland u mid-distretti politiċi li ġejjin tal-Awstrija t’Isfel: Hollabrunn, Horn, Mistelbach, Melk, Gänserndorf, limitat għad-distrett ta’ Zistersdorf, u Korneuburg-Stockerau, limitat għad-distrett ta’ Stockerau.”

Raġunijiet:

Sabiex jiġi kkoreġut żball li sar fil-parti tat-test oriġinali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, dan jiċċara li d-distretti politiċi taż-żona tradizzjonali li fiha jista’ jingħasar s-“Steirisches Kürbiskernöl” jinkludu d-distrett politiku ta’ Graz, li jinsab fin-nofs taż-żona murija sal-lum minn mappa fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali. Għalhekk, din hija korrezzjoni konformi mal-mappa inkluża fl-applikazzjoni oriġinali għar-reġistrazzjoni.

Id-distrett il-ġdid ta’ Südoststeiermark, iffurmat bl-għaqda tad-distretti ta’ Radkersburg u Feldbach, u d-distrett il-ġdid ta’ Hartberg-Fürstenfeld, iffurmat bl-għaqda tad-distretti ta’ Fürstenfeld u Hartberg, ġew inklużi sempliċiment għall-fini ta’ kjarifika u rettifika.

Prova tal-oriġini:

Id-dikjarazzjonijiet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali tal-prodott dwar l-istorja tal-prodott, li kellhom jiġu spjegati taħt il-punt 5d (“Oriġini”) meta d-denominazzjoni ġiet rikonoxxuta, tmexxew, flimkien mal-ispjegazzjoni, għall-punt 5f (“Rabta maż-żona ġeografika”) (ara t-test taħt dak il-punt). Minflokhom, għandhom jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar il-garanzija tat-traċċabbiltà taħt il-punt 5d (“Prova tal-oriġini”) fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott il-ġdida:

“5d)   Prova tal-oriġini:

Sabiex ikun jista’ jintraċċa l-fluss kollu mill-kultivazzjoni sal-ipproċessar, il-movimenti taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark naturalment bla qoxra (Cucurbita pepo var. styriaca) għandhom jiġu dokumentati sal-prodott finali tal-IĠP ‘Steirisches Kürbiskernöl’. Sabiex ikunu jistgħu jiġu ntraċċati b’mod ċar iż-żoni fejn hemm l-għelejjel, il-ħsad annwali, it-tip ta’ użu taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar u l-kwantitajiet ta’ żejt prodotti, il-produtturi jridu jiddokumentaw il-punti kollha li ġejjin bil-miktub jew f’format elettroniku:

Kull produttur għandu jkollu kuntratt ta’ kontroll validu (possibbilment integrat fil-kuntratt tal-għelejjel) u għandu jipprovdi prova tal-oriġini f’konformità mal-punt d) skont il-post tiegħu fil-proċess ta’ produzzjoni.

Fejn diversi operaturi tas-suq ingħaqdu bħala kooperattiva ta’ produzzjoni, il-kooperattiva trid tikkonkludi kuntratt validu ma’ aġenzija ta’ kontroll u trid tikkonkludi kuntratti interni dwar il-kompiti ta’ kontroll tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mal-membri tagħha, jiġifieri ma’ produtturi individwali (bdiewa, taħħana taż-żejt).

5d1)   Żoni bl-għelejjel

Trid tiġi pprovduta prova annwali li ż-żoni bl-għelejjel jinsabu fiż-żona ta’ tkabbir definita tal-IĠP mill-produtturi taż-żerriegħa lil aġenzija awtorizzata fis-sistema ta’ kontroll, f’konformità mal-kuntratt ta’ kontroll (possibbilment integrata fil-kuntratt tal-għelejjel) bil-miktub jew f’format elettroniku. L-aġenzija tista’ tkun aġenzija ta’ kontroll akkreditata jew assoċjazzjoni ta’ produtturi mmonitorjata minn aġenzija ta’ kontroll akkreditata. Ir-rapport għandu jkun fih lista ta’ żoni tal-wiċċ suġġetti għall-kontrolli preskritti (eż. applikazzjoni multipla ta’ AMA jew dokument simili). Dan ir-rapport jippermetti li jiġu rreġistrati ż-żoni kollha tat-tkabbir tal-qara’ aħmar taż-żejt li huma ta’ rilevanza għall-produzzjoni tas-‘Steirisches Kürbiskernöl’ fis-sena ta’ produzzjoni rispettiva.

5d2)   Ħsad

Kull produttur individwali taż-żerriegħa għandu jiddokumenta bil-miktub jew elettronikament il-kwantità ta’ żrieragħ tal-qara’ aħmar li ħasad direttament mill-għalqa, nixxef u naddaf (jiġifieri li minnhom tneħħew il-polpa u biċċiet tal-qoxra) u jirrapporta dan lil aġenzija awtorizzata fis-sistema ta’ kontroll f’konformità mal-kuntratt ta’ kontroll (possibbilment integrat fil-kuntratt tal-għelejjel) sal-31 ta’ Diċembru tas-sena tal-għelejjel. L-aġenzija tista’ tkun aġenzija ta’ kontroll akkreditata jew assoċjazzjoni ta’ produtturi mmonitorjata minn aġenzija ta’ kontroll akkreditata.

Dan ir-rapport jippermetti li tiġi rreġistrata l-kwantità ġenerali maħsuda kull sena minn kull produttur taż-żerriegħa fis-sistema ta’ kontroll. Dan jippermetti li jiġi kkalkulat ir-rendiment medju għal kull ettaru u produttur. Il-ħsad annwali totali jista’ mbagħad jiġi ddeterminat; dan minn-naħa l-oħra huwa prekundizzjoni bażika f’termini tal-kontroll tal-fluss ġenerali.

Il-fluss taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar maħsuda, direttament mill-għalqa, mis-sena tal-ħsad XY mill-produttur taż-żerriegħa lill-kuntratturi varji (installazzjonijiet tal-ħasil, tat-tnixxif u tat-tindif) ukoll għandu jiġi ddokumentat bil-miktub (eż. nota tal-piż imxarrab/niexef f’kg jew fattura) jew elettronikament u rrappurtat lil aġenzija awtorizzata fis-sistema ta’ kontroll f’konformità mal-kuntratt ta’ kontroll (possibbilment integrat fil-kuntratt tal-għelejjel).

5d3)   Użu taż-żerriegħa

Jekk jinbiegħu ż-żrieragħ tal-qara’ aħmar miż-żona tat-tkabbir iddefinita, maħsuda direttament mill-għalqa, imnixxfa u mnaddfa (jiġifieri li minnhom tneħħew il-polpa u biċċiet tal-qoxra) mis-sena tal-għelejjel XY, il-produttur taż-żerriegħa u kull impriża oħra involuta fil-katina tal-produzzjoni sal-mitħna taż-żejt (bejjiegħa bl-ingrossa, sidien tal-imħażen, imtieħen taż-żejt, eċċ.) jew aġenzija mogħtija struzzjonijiet minnhom għandhom jikkonfermaw l-oriġini taż-żrieragħ bil-miktub jew f’format elettroniku. L-aġenzija tista’ tkun aġenzija ta’ kontroll akkreditata jew assoċjazzjoni ta’ produtturi mmonitorjata minn aġenzija ta’ kontroll akkreditata. L-informazzjoni importanti li ġejja trid tiġi ddokumentata bil-miktub jew f’format elettroniku sabiex tiġi ggarantita t-traċċabilità tal-fluss, anke fejn il-prodott jiġi kkonsenjat lil terzi: il-produttur taż-żerriegħa, il-kwantità ta’ żerriegħa [f’kg] prodotta f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni mis-sena tal-għelejjel XY u d-destinatarju.

Id-dokument meħtieġ għal dan (eż. nota tal-kwantità, dokument ta’ akkumpanjament, rekord elettroniku, eċċ.) irid jiġi nnumerat b’mod sekwenzjali. Jekk iż-żrieragħ jerġgħu jinbiegħu, dan id-dokument jiġi mgħoddi lill-persuna li jmiss fil-pussess taż-żrieragħ.

Barra minn hekk, il-produttur (taħħan taż-żejt, bidwi) għandu jiddokumenta lill-klijent (bidwi, negozjant), il-kwantità taż-żerriegħa [f’kg], id-data tal-produzzjoni, il-fattur tal-għasir u d-daqs tal-kontenitur kull darba li ż-żerriegħa tingħasar għall-produzzjoni tal-IĠP ‘Steirisches Kürbiskernöl’. Dan simultanjament jiddokumenta l-post tal-għasir/l-imtieħen taż-żejt.

Jekk parteċipant fis-sistema tal-IĠP juża żrieragħ għal skop ieħor għajr għall-għasir biex jinkiseb is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ prodott f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni (eż. għal snacks, żerriegħa, prodotti tal-forn, l-industrija farmaċewtika, it-taħlit ma’ żjut jew ikel ieħor, eċċ.), il-persuna fil-pussess taż-żrieragħ prodotti f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni jew assoċjazzjoni ta’ produtturi għandha tiddokumenta dan bil-miktub jew f’format elettroniku u tirreġistra l-kwantità [f’kg] u l-użu maħsub.

Din id-dokumentazzjoni trid tiġi aġġornata kontinwament u għandha tiġi miġbura fil-qosor u trażmessa lill-assoċjazzjoni tal-produtturi kull sitt xhur (sat-30 ta’ Ġunju għall-ewwel semestru tas-sena attwali u sal-aħħar tas-sena kurrenti għat-tieni semestru). Iż-żerriegħa użata minbarra għall-għasir biex tinkiseb l-IĠP ‘Steirisches Kürbiskernöl’ għandha titnaqqas mill-kwantità totali meta jiġi kkalkolat il-fluss. Id-ditti/proċessuri soġġetti għal kontrolli jridu joħolqu n-numri tal-prodott/artikoli uniċi u traċċabbli tagħhom (eż. żrieragħ bħala snacks tal-IĠP u żrieragħ bħala snacks b’mod ġenerali) u għandhom jissottomettu r-rekords.

Id-ditti kollha tal-ipproċessar li jipparteċipaw fis-sistema tal-IĠP u jipproċessaw iż-żerriegħa f’konformità mal-ispeċifikazzjoni (eż. fil-produzzjoni ta’ żrieragħ bħala snacks, prodotti tal-forn, eċċ.) iridu jivverifikaw il-flussi korrispondenti; iż-żrieragħ prodotti f’konformità mal-ispeċifikazzjoni għandhom jiġu pproċessati, maħżuna u ttikkettati separatament minn żrieragħ oħra tal-qara’ aħmar.

5d4)   Numri ta’ kontroll tas-serje fuq il-kontenituri:

Kull kontenitur (minbarra għall-konsum proprju) għandu jiġi allokat numru ta’ kontroll tas-serje li minnu l-isem tal-kummerċjant dirett jew tal-produttur taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar (lottijiet ta’ produzzjoni) jew l-isem tal-kuntrattur (bidwi jew negozjant jew mitħna taż-żejt jew distributur) jista’ jiġi identifikat. Dan in-numru ta’ kontroll irid jippermetti wkoll li tiġi identifikata d-data tal-produzzjoni (għasir taż-żejt).

In-numru tal-kontroll u d-data tal-kwantità (f’litri jew kg) iridu jkunu viżibbli fuq it-tikketta tal-prodott fuq l-IĠP ‘Steirisches Kürbiskernöl’.

Din is-sistema tan-numri tal-kontroll tippermetti li kemm il-fluss f’kull ditta kif ukoll il-fluss totali tal-produtturi kollha jiġu ssorveljati u vverifikati.

Il-kontrolli jridu jkopru l-punti li ġejjin:

il-post ġeografiku tal-produttur (taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar) u l-proċessur (ipproċessar ulterjuri, speċjalment l-għasir) skont l-Ispeċifikazzjoni;

l-użu ħażin ta’ dokumenti (eż. ċertifikati) jew numri ta’ kontroll, eż. bix-xiri jew taħlit ta’ oġġetti u flussi ta’ oġġetti separati;

il-fluss bejn il-produtturi taż-żerriegħa, il-proċessuri jew il-kuntratturi, il-produtturi taż-żejt u n-negozjanti;

il-proprjetajiet tal-prodott f’konformità mal-ispeċifikazzjoni (eż. mill-ewwel għasir tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark bla qoxra [pepo var. styriaca], 100 % pur biss);

it-tikkettar korrett tal-prodott.”

Raġunijiet:

Peress li l-Ispeċifikazzjoni sal-lum ma fiha l-ebda informazzjoni dwar il-prova tal-oriġini, kien ikkunsidrat sensibbli li tiġi inkluża informazzjoni biex tittejjeb u tiġi ggarantita t-traċċabilità tal-prodott skot il-punt 5d) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Sabiex jiġu ntraċċati b’mod ċar iż-żoni bl-għelejjel, il-ħsad annwali, l-użu taż-żrieragħ u l-kwantità ta’ żejt prodotta, anke fejn iż-żrieragħ/żejt jinbiegħu lil terzi, l-ispeċifikazzjoni issa teħtieġ li tiġi applikata sistema ta’ prova u kontroll f’diversi stadji, li tinkludi sistema ta’ numerazzjoni ta’ kontroll kif ukoll rapporti taż-żona bl-għelejjel u l-ħsad.

Metodu ta’ produzzjoni:

Il-Punt 5e tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali - il-proċess ta’ estrazzjoni:

“Iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra maħsula u mnixxfa jintaħnu, jinfetħu bil-mod u mbagħad jingħasru. Dan il-proċess bil-mod jiżgura li jinżammu l-biċċa l-kbira tan-nutrijenti importanti fiż-żrieragħ tal-qara’ aħmar tas-Steiermark.”

u l-ispjegazzjoni:

“Iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra Cucurbita pepo var. styriaca) jiġu mnixxfa sew. Iż-żrieragħ imnixxfa jintaħnu fini f’mitħna xierqa, imħallta mal-ilma u magħġuna biex tifforma polpa. Imbagħad jista’ jiżdied xi melħ biex toħroġ it-togħma. Sabiex jiġi prodott is-‘Steirisches Kürbiskernöl’, il-polpa trid tissaħħan bil-mod f’taġen b’sistema ta’ tħawwid qabel ma tingħasar; dan inaqqas il-kontenut ta’ ilma b’mod konsiderevoli u jagħtih it-togħma tipika tiegħu. Il-polpa taż-żerriegħa inkaljata tingħasar b’mod mekkaniku biex tagħti ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar mingħajr addittivi kimiċi.”

għandha tiġi sostitwita bi:

“5e)   Il-proċess tal-produzzjoni:

‘Iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra Cucurbita pepo var. styriaca) huma mutazzjoni, li l-erba’ saffi ta’ ċelloli l-aktar esterni tagħha (il-qxur taż-żerriegħa) ma jsirux ħoxnin u mgħottija bl-injam. Dan jagħti liż-żrieragħ il-kulur tipiku ta’ aħdar lewn iż-żebbuġ għal skur.

Għall-kultivazzjoni tista’ tintuża biss żerriegħa tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark tal-varjetajiet awtorizzati fl-Awstrija u elenkati fil-lista Awstrijaka ta’ varjetajiet li tkun ġiet iċċertifikata fuq il-bażi tal-metodi tal-għelieqi Awstrijaċi jew ta’ metodi tal-għelieqi ta’ Stati Membri oħra li huma ta’ kontenut simili għall-kultivazzjoni.

Dan jiggarantixxi li jiġu propagati biss tipi ta’ għelejjel li huma adattati għaż-żona tat-tkabbir Awstrijaka. Dan huwa essenzjali biex tinżamm il-kwalità taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar, li hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità u t-togħma karatteristika tas-“Steirisches Kürbiskernöl’.

Peress li ż-żerriegħa tal-qara’ aħmar maħsula u mnixxfa żżomm sew meta tinħażen, ġeneralment tingħasar fuq talba, sabiex jiġi żgurat li ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar mqiegħed fis-suq ikun kemm jista’ jknu frisk u b’togħma tajba.

Il-proċess tal-produzzjoni tradizzjonali huwa t-tħin fin taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra maħsula u mnixxfa f’mitħna xierqa. Iż-żrieragħ imnixxfa jitħalltu mal-ilma u l-melħ u jiġu magħġuna biex tifforma polpa.

Biex jgħin fl-għasir u, primarjament, għaż-żnaturazzjoni tal-kontenut għoli ta’ proteini taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar bla qoxra (pepo var. styriaca), huwa normali u permissibbli li jiżdied il-melħ tal-mejda. Billi s-‘Steirisches Kürbiskernöl’ jinkiseb mingħajr addittivi kimiċi oħra, il-biċċa l-kbira tan-nutrijenti ta’ valur jinżammu.

Il-polpa tissaħħan bil-mod f’taġen b’sistema ta’ tħawwid qabel ma tingħasar; dan inaqqas il-kontenut ta’ ilma b’mod konsiderevoli u jagħtih it-togħma tipika tiegħu.

Jista’ jkollha togħma bejn wieħed u ieħor inkaljata skont l-intensità tal-proċess tal-inkaljar.

Iż-żejt jinkiseb mill-polpa inkaljata fi proċess purament mekkaniku/idrawliku mingħajr aktar tisħin.

Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ jinkiseb mill-ewwel għasir biss.

Is-solidi sospiżi fiż-żejt naturali jieħdu ftit jiem biex joqgħodu, u wara ż-żejt jiġi bbottiljat f’kontenituri li jipproteġuh mid-dawl (ġeneralment fliexken tal-ħġieġ skuri). Dan huwa meħtieġ peress li ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar huwa sensittiv għad-dawl.”

Raġunijiet:

Il-kwalità distintiva tas-“Steirisches Kürbiskernöl” tiddependi parzjalment fuq l-għarfien espert tal-bdiewa fil-proċess ta’ produzzjoni tradizzjonali tal-għalla u tal-proċess tal-għasir taż-żejt. Il-kliem tal-Ispeċifikazzjoni oriġinali, li issa ġie ssupplimentat, jiddeskrivi dan il-proċess ta’ produzzjoni tradizzjonali f’aktar dettall; b’mod partikolari, il-proċess tal-għasir huwa ddefinit b’mod aktar preċiż billi jiġi spjegat li ż-żejt jinkiseb mill-polpa inkaljata fi proċess purament mekkaniku/idrawliku mingħajr aktar tisħin.

Billi s-“Steirisches Kürbiskernöl” huwa sensittiv għad-dawl, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tinkludi l-fatt li ż-żejt irid jiġi bbottiljat f’kontenituri li jipproteġuh mid-dawl, ġeneralment fi fliexken tal-ħġieġ skur. Dan iħares il-kwalità tas-“Steirisches Kürbiskernöl”.

L-inklużjoni tar-rekwiżit li żerriegħa tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark tal-varjetajiet awtorizzati fl-Awstrija u elenkati fil-lista Awstrijaka tal-varjetajiet li ġiet iċċertifikata fuq il-bażi tal-metodi tal-għelieqi Awstrijaki jew ta’ metodi tal-għelieqi ta’ Stati Membri oħra ta’ kontenut simili biss tista’ tintuża għandha tiggarantixxi li jiġu ppropagati u użati bħala żerriegħa biss tipi ta’ għelejjel li huma adattati għaż-żona tat-tkabbir Awstrijaka u li għalhekk jistgħu jiggarantixxu l-kwalità taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità u t-togħma karatteristika tas-“Steirisches Kürbiskernöl”.

Dawn ir-rekwiżiti speċifiċi għall-materja prima huma ġġustifikati f’żewġ aspetti:

1.

Awtorizzazzjoni ta’ varjetà partikolari:

Hemm varjetajiet ta’ qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark li huma awtorizzati fl-Awstrija. L-awtorizzazzjoni Awstrijaka taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tirrikjedi l-ittestjar tal-valur tal-kultivazzjoni tal-varjetà (Taqsima 46(2) tal-Liġi dwar iż-Żerriegħa) lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/55/KE dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex. Matul l-ittestjar, il-proprjetajiet li jiddeterminaw il-valur tal-kultivazzjoni jiġu stabbiliti billi jitqabblu ma’ varjetajiet awtorizzati simili (eż. reżistenza għal organiżmi ta’ ħsara, rendiment, eċċ.), biex tintwera l-adegwatezza partikolari tal-varjetajiet tal-qara’ aħmar awtorizzati fl-Awstrija għaż-żoni ta’ tkabbir Awstrijaki. L-aċċess għall-proċedura ta’ aċċettazzjoni tal-varjetajiet Awstrijaki huwa miftuħ għall-varjetajiet kollha irrispettivament mill-post tal-oriġini tagħhom.

2.

Tnissil taż-żerriegħa

Skont ir-Regolament dwar iż-Żerriegħa tal-2006, iż-żerriegħa tal-qara’ aħmar taż-żejt tista’ tiġi kkummerċjalizzata biss fl-Awstrija bħala żerriegħa tat-tnissil u bħala żerriegħa ċċertifikata. Madankollu, id-Direttiva 2002/55/KE (l-Artikolu 20(2)) tippermetti wkoll żerriegħa standard. Iż-żerriegħa standard hija soġġetta biss għal kontrolli tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għall-monitoraġġ uffiċjali tal-proċess tal-produzzjoni (inkluż waqt it-tnissil). Għalhekk, ma hemm l-ebda kontroll fl-għalqa biex jiġi żgurat li ntużat il-varjetà ddikjarata (dan jista’ jiġi stabbilit biss fil-prattika fl-għalqa). Biż-żerriegħa ċċertifikata, min-naħa l-oħra, l-awtentiċità tal-varjetà tiġi vverifikata f’kontrolli uffiċjali fl-għalqa.

Dawn il-kontrolli fuq iż-żoni tat-tnissil huma bbażati fuq il-metodi tal-għalqa għall-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark ippubblikati mill-Uffiċċju Federali għas-Sigurtà fl-Ikel fil-ġurnal Awstrijak tal-varjetajiet u ż-żrieragħ Sorten- und Saatgutblatt, li fihom rekwiżiti speċifiċi għaż-żoni tat-tnissil u l-għelejjel. Dawn il-metodi fl-għalqa għandhom jiġu applikati wkoll b’mod simili fil-kuntest ta’ kwalunkwe ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fi Stati Membri oħra sabiex jiġi żgurat li l-qara’ aħmar taż-żejt prodott jilħaq il-kwalità mistennija.

Il-liġi Awstrijaka, kemm dwar ir-rikonoxximent tal-varjetajiet (eżami tal-valur tal-kultivazzjoni) kif ukoll dwar it-tnissil taż-żerriegħa (żerriegħa ċċertifikata), hija aktar stretta mir-regolamenti tal-UE jew mir-regolamenti ta’ Stati Membri oħrajn. Għalhekk, ir-rekwiżiti mtejba għar-rikonoxximent tal-varjetajiet u t-tnissil taż-żerriegħa meta mqabbla mad-dritt tal-Unjoni jiggarantixxu l-adegwatezza tal-varjetà speċifikament għaż-żoni ta’ tkabbir Awstrijaċi u jiżguraw li ż-żerriegħa tal-varjetà tal-qara’ aħmar taż-żejt ta' Steiermark tiġi attwalment imnissla.

Rabta maż-żona ġeografika:

Id-dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-punt 5d tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali (“Storja”):

“L-iżvilupp tas-‘Steirisches Kürbiskernöl’ huwa marbut mill-qrib ma' Steiermark. Hemm evidenza li ż-żejt kien diġà qed jingħasar miż-żerriegħa tal-qara’ aħmar fis-seklu 18. Kien isir il-proċess tradizzjonali tal-għasir u bdew jiġu kkultivati ż-żrieragħ tal-qara’ aħmar bla qoxra fi Steiermark. Minn hemm bdiet ukoll il-mekkanizzazzjoni tal-ħsad u l-ipproċessar.”

u l-ispjegazzjoni:

“Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ immanifatturat fl-Awstrija, speċjalment fis-Steiermark, jinkiseb minn żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark li huma naturalment bla qoxra (Cucurbita pepo var. styriaca).

Il-formazzjoni u l-iżvilupp tas-‘Steirisches Kürbiskernöl’ huma marbuta mill-qrib ħafna mas-Steiermark. Bosta referenzi letterarji juru li ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar kien diġà jingħasar fil-latitudnijiet tagħna fil-bidu tas-seklu 18 (ara l-kontribut tal-Professur Teppner f’‘Die Koralpe’, p. 57-63, 1982).

Is-Steiermark għad għandha mtieħen taż-żejt antiki li jmorru lura għas-seklu 18 li kienu diġà qed jintużaw dak iż-żmien biex jipproduċu żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar miż-żerriegħa mqaxxra. Eżempju notevoli huwa l-‘mitħna taż-żejt qadima ta’ Pechmann’, li nxtrat mill-familja Egger (antenati tas-sid attwali, is-Sa Irmgard Schober) mingħand il-ħakkiema ta’ Brunnsee fl-1774 u ilha titħaddem bħala mitħna taż-żejt minn dakinhar. Antenati oħra li kienu s-sidien tal-mitħna taż-żejt wara l-familja Egger kienu Georg Friedl, Josef Pechmann, Friedrich Pechmann u issa Irmgard Schober. Aktar provi tal-manifattura taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar hija mehmuża fil-forma ta’ attestazzjonijiet tal-kultivazzjoni taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar mill-mitħna taż-żejt ta’ Karl Hartlieb fl-1910.

Dawk b’esperjenza fl-għasir żviluppaw proċess ta’ għasir mingħajr wisq tagħfis biex jipproduċu ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar ta’ valur. Meta mqabbla ma’ pajjiżi produtturi Ewropej oħra (fix-Xlokk tal-Ewropa), iż-żrieragħ, li s-soltu kienu jiġu mqaxxra f’dak iż-żmien, kienet titneħħielhom il-qoxra qabel ma jingħasru. Il-bdiewa tas-Steiermark skoprew il-‘mutazzjonijiet ta’ qoxra ratba’ u bdew jikkultivaw dawn iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar ta’ valur. Iż-‘żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra’ kienu sussegwentement ikkultivati esklużivament fis-Steiermark. Hekk kif l-agrikoltura intensifikat, it-tneħħija bl-idejn taż-żrieragħ mill-qara’ aħmar ma baqgħetx ekonomikament vijabbli. L-għelejjel żdiedu mill-1970 ‘il quddiem, hekk kif il-ħsad u l-ipproċessar ġew mekkanizzati fuq inizjattiva tal-bdiewa tas-Steiermark. L-assoċjazzjoni tal-bdiewa tal-qara’ aħmar tas-Steiermark li twaqqfet fl-1978 ħadet f’idejha l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar għal bosta bdiewa. Iż-żoni bl-għelejjel żdiedu b’mod kostanti minn dakinhar.”

tmexxiet għal dan il-punt u, flimkien mad-dikjarazzjonijiet li kien hemm sal-lum fil-punt 5f) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali (“Rabta maż-żona ġeografika”):

“Peress li t-temp sħun u umdu jipprevali fiż-żoni tat-tkabbir (il-klima Illirjana-subalpina fis-Steiermark), il-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark ma jsirx qabel il-ħarifa. Dan jirriżulta f’kontenut għoli ta’ xaħmijiet poliinsaturati. Din l-għalla għandha rwol ekonomiku importanti f’dawn iż-żoni fiż-żamma ta’ azjendi agrikoli fuq skala żgħira (iż-żona bl-għelejjel attwali tikkonsisti f’madwar 10 000 ha). Il-produzzjoni tas-‘Steirisches Kürbiskernöl’ tipprovdi wkoll impjiegi importanti u introjtu għal madwar 70 magħsar taż-żejt kummerċjali f’żoni inqas iffavoriti fir-riskju ta’ emigrazzjoni. Hemm domanda partikolari mill-konsumaturi għas-‘Steirisches Kürbiskernöl’.”

u l-ispjegazzjoni:

“Kundizzjonijiet klimatiċi:

Minħabba l-klima Illirjana-subalpina (temp sħun u umdu), il-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark ma jsirx sal-ħarifa. Dan iżid il-kontenut għoli ta’ xaħmijiet insaturati ta’ valur nutrittiv. Il-qara’ aħmar taż-żejt imkabbar fi klima Pannonjana, min-naħa l-oħra, isir aktar kmieni (li jirriżulta fi ħsad fil-perjodu sħun tas-sena) u għalhekk huwa aktar baxx fix-xaħmijiet insaturati.

L-importanza ekonomika:

“L-iżvilupp tas-‘Steirisches Kürbiskernöl’ huwa marbut mill-qrib b’mod inseparabbli mas-Steiermark (ara 5d)). Bħalissa hemm total ta’ bejn 8 000 u 9 000 ha bl-għelejjel fis-Steiermark. L-għelejjel tal-qara’ aħmar jipprovdu alternattiva interessanti għall-biedja taċ-ċereali li qiegħda ssir dejjem aktar ma trendix qligħ għal madwar 2 000 azjenda fir-reġjuni tal-fruntiera strutturalment dgħajfa.

Il-produzzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tipprovdi wkoll 70 mitħna kummerċjali taż-żejt u numru ta’ magħsar agrikoli (kummerċjalizzazzjoni diretta) b’alternattiva għat-tħin taċ-ċereali li qiegħed dejjem aktar ma jrendix qligħ. Is-salvagwardja tal-kultivazzjoni taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar hija ta’ tħassib politiku reġjonali partikolari fis-sens tal-preambolu tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Bħala speċjalità reġjonali, iż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar jipprovdi ħafna impjiegi fil-biedja u l-kummerċ fiż-żona tat-tkabbir stabbilita, u b’hekk jgħin lill-popolazzjoni tibqa’ f’din iż-żona fir-riskju ta’ emigrazzjoni u taqla’ introjtu. Din l-ispeċjalità reġjonali toffri lill-azjendi agrikoli fuq skala żgħira u lin-negozji kummerċjali sors alternattiv attraenti ta’ introjtu.”

għandhom jiġu riformulati u aġġornati kif ġej:

“5f)   Rabta maż-żona ġeografika:

Karatteristiċi klimatiċi:

Minħabba t-temp li jipprevali fiż-żoni tat-tkabbir (eż. il-klima Illirjana-subalpina fis-Steiermark), il-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark ma jsirx qabel tard fis-sajf jew fil-ħarifa. Dan jiżgura li l-kontenut għoli ta’ xaħmijiet insaturati ta’ valur nutrittiv jinkiseb (jiżdied).

Importanza ekonomika u reputazzjoni:

L-għelieqi tal-qara’ aħmar taż-żejt huma element importanti tal-pajsaġġ fiż-żona definita u l-abitanti jidentifikaw mill-qrib mas-‘Steirisches Kürbiskernöl’ bħala wieħed mill-prodotti ewlenin tar-reġjun.

Dan huwa importanti ħafna wkoll għat-turiżmu. Il-kultivazzjoni ta’ din l-għalla hija marbuta b’mod inseparabbli mas-Steiermark u għandha rwol ekonomiku importanti fiż-żoni speċifikati f’termini taż-żamma ta’ azjendi agrikoli fuq skala żgħira. L-għelejjel tal-qara’ aħmar jipprovdu alternattiva interessanti għal għelejjel oħrajn li qegħdin isiru dejjem aktar ma jrendux qligħ għal madwar 3 000 azjenda fir-reġjuni strutturalment dgħajfa.

Sa minn meta s-‘Steirisches Kürbiskernöl’ ġie rreġistrat fir-reġistru tal-protezzjoni tal-oriġini tal-UE fl-1996, iż-żona bl-għelejjel kważi rdoppjat fiż-żona ġeografika definita. Dan minħabba l-pariri speċjalizzati konsistenti mogħtija lill-bdiewa u s-sistema tal-protezzjoni tal-oriġini, li komplew jippożizzjonaw u jenfasizzaw dan il-prodott tradizzjonali bħala prodott prim.

Il-produzzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tipprovdi wkoll 50 mitħna kummerċjali taż-żejt u numru ta’ magħsar agrikoli (kummerċjalizzazzjoni diretta) b’alternattiva għat-tħin taċ-ċereali li qiegħed dejjem aktar ma jrendix qligħ. Is-salvagwardja tal-kultivazzjoni tal-qara’ aħmar hija ta’ tħassib politiku reġjonali partikolari fis-sens tal-preambolu tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 u r-regolamenti ta’ segwitu għalih. Bħala speċjalità reġjonali, iż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar jipprovdi ħafna impjiegi fil-biedja u l-kummerċ fiż-żona tat-tkabbir stabbilita, u b’hekk jgħin lill-popolazzjoni tibqa’ f’din iż-żona fir-riskju ta’ emigrazzjoni u taqla’ introjtu. Din l-ispeċjalità reġjonali toffri lill-azjendi agrikoli fuq skala żgħira u lin-negozji kummerċjali sors alternattiv attraenti ta’ introjtu.

Investimenti ta’ diversi miljuni ta’ euro kemm fil-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll fil-produzzjoni matul dawn l-aħħar snin għollew il-profil tas- ‘Steirisches Kürbiskernöl’ fost il-konsumaturi.

Il-kwalità taż-żrieragħ naturalment bla qoxra tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark fiż-żona tat-tkabbir iddefinita ġeografikament, il-kompetenza tal-bdiewa fit-tkabbir, il-ħsieb għal u l-ħsad tal-għalla, u l-metodu ta’ produzzjoni tal-għasir taż-żejt jagħtu lis-‘Steirisches Kürbiskernöl’ il-kwalità speċjali tiegħu.

Ir-reputazzjoni tas-“Steirisches Kürbiskernöl’, li hija bbażata fuq il-kwalità partikolari tal-prodott, għalhekk infirxet lil hinn mill-fruntieri Awstrijaki.

Sfond storiku:

Il-formazzjoni u l-iżvilupp tas-“Steirisches Kürbiskernöl’ huma marbuta mill-qrib ħafna mas-Steiermark.

Bosta referenzi letterarji juru li ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara” aħmar kien diġà jingħasar fir-reġjun fis-seklu 18 (il-Professur Teppner, “Die Koralpe”, p. 57-63, 1982).

Is-Steiermark għad għandha mtieħen taż-żejt antiki li jmorru lura għas-seklu 18 li kienu diġà qed jintużaw dak iż-żmien biex jipproduċu żejt taż-żerriegħa tal-qara” aħmar miż-żerriegħa mqaxxra. Eżempju notevoli huwa l-“mitħna taż-żejt qadima ta’ Pechmann”, li nxtrat mill-familja Egger (antenati tas-sid attwali, is-Sa Irmgard Schober) mingħand il-ħakkiema ta’ Brunnsee fl-1774 u ilha titħaddem bħala mitħna taż-żejt minn dakinhar. Antenati oħra li kienu s-sidien tal-mitħna taż-żejt wara l-familja Egger kienu Georg Friedl, Josef Pechmann, Friedrich Pechmann u issa Irmgard Schober. Aktar provi tal-manifattura taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tinsab fl-attestazzjonijiet tal-kultivazzjoni taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar mill-mitħna taż-żejt ta’ Karl Hartlieb fl-1910.

Il-kultivazzjoni taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar bla qoxra bdiet fis-Steiermark. Minn hemm bdiet ukoll il-mekkanizzazzjoni tal-ħsad u l-ipproċessar. Skont il-ġenetista Awstrijak Erich Tschermak von Seysnegg, il-qara’ aħmar tas-Steiermark x’aktarx li żviluppa b’mod spontanju minħabba mutazzjoni ta’ telf ta’ funzjoni fis-seklu li għadda.

Dawk b’esperjenza fl-għasir żviluppaw proċess ta’ għasir mingħajr wisq tagħfis biex jipproduċu ż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar ta’ valur mis-seklu 18 ‘l hawn. Meta mqabbla ma’ pajjiżi produtturi Ewropej oħra (fix-Xlokk tal-Ewropa), iż-żrieragħ, li s-soltu kienu jiġu mqaxxra f’dak iż-żmien, kienet titneħħielhom il-qoxra qabel ma jingħasru. Il-bdiewa tas-Steiermark skoprew il-“mutazzjonijiet ta’ qoxra ratba” u bdew jikkultivaw dawn iż-żrieragħ tal-qara’ aħmar ta’ valur. Iż-‘żrieragħ tal-qara’ aħmar naturalment bla qoxra’ kienu sussegwentement ikkultivati esklużivament fis-Steiermark. Hekk kif l-agrikoltura intensifikat, it-tneħħija bl-idejn taż-żrieragħ mill-qara’ aħmar ma baqgħetx ekonomikament vijabbli. L-għelejjel żdiedu mill-1970 ‘il quddiem, hekk kif il-ħsad u l-ipproċessar ġew mekkanizzati fuq inizjattiva tal-bdiewa ta' Steiermark. L-assoċjazzjoni tal-bdiewa tal-qara’ aħmar ta' Steiermark li twaqqfet fl-1978 ħadet f’idejha l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ tal-qara’ aħmar għal bosta bdiewa. Iż-żoni bl-għelejjel żdiedu b’mod kostanti minn dakinhar.”

Raġunijiet:

Id-dikjarazzjonijiet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali dwar l-istorja tal-prodott taħt il-punt 5d (“Storja”), li kellhom jiġu spjegati taħt il-punt “Prova tal-oriġini” meta d-denominazzjoni ġiet rikonoxxuta, ġew imċaqalqa, flimkien mal-ispjegazzjoni, għall-punt 5f (“Rabta maż-żona ġeografika”) u miġbura flimkien mad-dikjarazzjonijiet fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali taħt il-punt 5f (“Rabta maż-żona ġeografika”) u sempliċement ġew editjati strutturalment. Dan ma wassal għall-ebda bidla fis-sustanza.

Tikkettar:

Id-dikjarazzjonijiet sal-lum fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali taħt il-punt 5h (“Tikkettar”):

“Steirisches Kürbiskernöl”

u l-ispjegazzjoni:

“Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ skont it-tifsira tal-applikazzjoni tagħna jingħasar esklużivament fiż-żoni msemmija taħt il-punt 5e miż-żerriegħa tal-qara’ aħmar imsejħa ‘Cucurbita pepo var. styriaca’ li wkoll tiġi biss miż-żoni msemmija taħt il-punt 5e. Is-‘Steirisches Kürbiskernöl’ ifisser iż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar mill-ewwel għasir.”

għandha tiġi sostitwita bi:

“L-IĠP ‘Steirisches Kürbiskernöl’ trid tiġi ttikkettata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Il-logos u t-trademarks proprji tal-produtturi jistgħu jintwerew ukoll fuq il-prodott flimkien mat-tikkettar meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu.

L-oġġetti kollha taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar inklużi fis-sistema ta’ kontroll tal-IĠP ‘Steirisches Kürbiskernöl’ li jitqiegħdu fis-suq għandu jkollhom l-isem reġistrat ‘Steirisches Kürbiskernöl’ u għandhom ikunu ttikkettati bħala IĠP f’konformità mal-liġi.

Kull kontenitur individwali għall-bejgħ għandu wkoll ikun immarkat b’numru tas-serje ta’ kontroll (ara 5d4)) u l-kwantità (f’litri jew kg) u l-isem tal-aġenzija ta’ kontroll. Id-ditti għandhom jużaw ukoll numru ta’ kontroll kif iddikjarat fil-punt 5d4).”

Raġunijiet:

Iż-żidiet jappoġġajw il-miżuri ta’ kontroll preskritti u jtejbu t-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumaturi.

Oħrajn:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Ir-referenza sal-lum għall-“Codex Alimentarius” bħala r-rekwiżit nazzjonali ġeneralment validu skont il-“leġiżlazzjoni nazzjonali” tħalliet barra, peress li dan il-punt ma għadux obbligatorju fi Speċifikazzjoni tal-Prodott.

DOKUMENT UNIKU

“Steirisches Kürbiskernöl”

Nru tal-UE: PGI-AT-1460-AM02 – 9.12.2019

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/ismijiet

“Steirisches Kürbiskernöl”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” huwa żejt dikrojku 100 % pur, viskuż u ta’ kulur skur li jidher aħdar skur/ħamrani kontra d-dawl. Jinkiseb mill-ewwel għasir ta’ żrieragħ naturalment bla qoxra minn varjetà ta’ żerriegħa ċċertifikata tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark (Cucurbita pepo var. styriaca) awtorizzata fl-Awstrija u inkluża fil-lista Awstrijaka tal-varjetajiet.

Iż-żejt għandu togħma ta’ ġewż u riħa karatteristika. Għandu kontenut għoli ta’ xaħmijiet poliinsaturati u huwa nutrittiv ħafna.

Il-parametri għas-“Steirisches Kürbiskernöl” huma kif ġej:

Il-piż speċifiku: 0,90–0,92 kg/l

Kontenut ta’ xaħam ta’ mill-inqas 99 %,

li minnu 37–60 % huwa aċidu linolejku u 25–44 % huwa aċidu olejku, flimkien madwar 80 %,

10-20 % aċidu palmitiku,

3–7 % aċidu steariku,

1–2 % aċidi xaħmin oħra.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” jista’ jinkiseb biss minn żrieragħ tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark li huma naturalment bla qoxra (Cucurbita pepo var. styriaca) miż-żona ddefinita. Tista’ tintuża biss iż-żerriegħa tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark tal-varjetajiet awtorizzati fl-Awstrija li tkun ġiet iċċertifikata fuq il-bażi tal-metodi tal-għalqa Awstrijaki għall-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark jew metodi tal-għalqa ta’ Stati Membri oħra li huma simili fil-kontenut.

Ir-restrizzjoni għall-varjetajiet awtorizzati fl-Awstrija u ż-żerriegħa ċċertifikata fuq il-bażi ta’ ċerti metodi tal-għalqa hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità tas-“Steirisches Kurbiskernöl”. Dan jiżgura li jiġu ppropagati biss tipi adattati għaż-żoni tat-tkabbir Awstrijaki. Il-varjetajiet ta’ qara’ aħmar taż-żejt awtorizzati fl-Awstrija ġew ittestjati fiż-żoni ta’ tkabbir iddeżinjati u r-riżultati ta’ dawk it-testijiet urew li adattaw għall-kundizzjonijiet tal-klima u tal-ħamrija prevalenti fiż-żoni ta’ tkabbir. Dan huwa essenzjali għall-kwalità tal-prodott finali (il-varjetajiet tal-qara’ aħmar taż-żejt mhux adattati għaż-żona huma suxxettibbli ħafna għall-mard) u jnaqqas ukoll ir-riskju finanzjarju għall-bdiewa tal-qara’ aħmar. L-istess japplika għaċ-ċertifikazzjoni, li biha l-għelejjel jiġu spezzjonati fiż-żoni tat-tkabbir bl-użu tal-metodi tal-għalqa għall-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark, li jiffokaw b’mod partikolari fuq rekwiżiti relatati mal-identità tal-varjetà, l-impuritajiet u s-saħħa tal-pjanti (b’mod partikolari fir-rigward tal-viruses). Peress li l-qara’ aħmar taż-żejt huwa dakkar inkroċjat, għandhom jiġu rispettati d-distanzi minimi biex jiġi evitat it-taħlit barrani ma” ibridi u linji konġeniti.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” għandu jingħasar bl-użu tal-proċess ta’ produzzjoni tradizzjonali fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” irid jiġi bbottiljat f’kontenituri li jipproteġuh mid-dawl (ġeneralment fliexken tal-ħġieġ skur). Dan sabiex tinżamm il-kwalità tal-prodott, li huwa sensittiv għad-dawl.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Kull kontenitur għall-bejgħ għandu jkollu numru ta’ kontroll tas-serje, li minnu jistgħu jiġu identifikati l-isem tal-kummerċjant dirett jew tal-produttur taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar jew l-isem tal-kuntrattur u d-data tal-produzzjoni (tagħsir). Il-kwantità (f’litri jew kg) u l-isem tal-aġenzija ta’ kontroll għandhom jiġu inklużi wkoll. Id-ditti jridu jużaw ukoll numru ta’ kontroll.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” jingħasar fir-reġjun tan-Nofsinhar tas-Steiermark (id-distretti politiċi ta’ Deutschlandsberg, Graz, Graz-Umgebung, Hartberg-Fürstenfeld, Leibnitz, Südoststeiermark, Voitsberg u Weiz) u r-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Burgenland (id-distretti ta’ Jennersdorf, Güssing u Oberwart). Il-materja prima (żrieragħ tal-qara’ aħmar tas-Steiermark naturalment bla qoxra) toriġina biss miż-żona tradizzjonali t’hawn fuq tan-Nofsinhar tas-Steiermark u tan-Nofsinhar ta’ Burgenland u mid-distretti li ġejjin tal-Awstrija t’Isfel: id-distretti politiċi ta’ Hollabrunn, Horn, Mistelbach, Melk, Gänserndorf, limitat għad-distrett ta’ Zistersdorf, u Korneuburg-Stockerau, limitat għad-distrett ta’ Stockerau.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-reġistrazzjoni tal-IĠP “Steirisches Kürbiskernöl” hija bbażata fuq il-kwalità tal-prodott li tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ prodott bażiku speċjali, il-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark (Cucurbita pepo var. styriaca), u proċess ta’ tagħsir ġentili żviluppat fis-Steiermark, u fuq ir-reputazzjoni tas-“Steirisches Kürbiskernöl” (li hija kważi fundamentali għall-identità tal-popolazzjoni tas-Steiermark) u apprezzament kbir għas-“Steirisches Kürbiskernöl”.

Speċifiċità taż-żona ġeografika u fatturi umani

Hemm evidenza li l-qara’ aħmar ilu jiġu kkultivat fis-Steiermark għal madwar 300 sena. Il-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark prototip li ħareġ għall-ewwel darba minn mutazzjoni fis-seklu 19, li kien distint mill-fatt li l-qxur taż-żerriegħa tiegħu ma jieħdux is-sura ta’ injam, ġie imrawwem bir-reqqa fis-Steiermark u għall-bidu kien ikkultivat esklużivament fis-Steiermark. Imbagħad il-kultivazzjoni espandiet għal żoni li l-kundizzjonijiet klimatiċi tagħhom jippromwovu l-maturazzjoni tal-qara’ aħmar biss fl-aħħar tas-sajf jew fil-ħarifa.

Il-qara’ aħmar taż-żejt huwa pjanta li teħtieġ sħana, hija relattivament reżistenti għan-nixfa, u tadatta tajjeb għal perjodi niexfa. Madankollu, teħtieġ preċipitazzjoni abbundanti fil-bidu tas-sajf (mill-aħħar ta’ Ġunju sa nofs Awwissu) għal rendiment għoli ta’ żerriegħa. It-temperatura medja annwali għandha tkun mill-inqas 8 °C. Ma għandux ikun hemm ġlata tard fir-rebbiegħa jew ġlata bikrija fil-ħarifa. It-temp sħun tal-ħarifa huwa partikolarment importanti biex il-qara’ aħmar taż-żejt jimmatura tajjeb. It-temp imxarrab u kiesaħ u r-riħ qawwi jistgħu jagħmlu ħsara kbira.

Iż-żona tal-klima Illirjana (ix-Xlokk tas-Steiermark, in-Nofsinhar ta’ Burgenland) hija għalhekk perfettament adattata għall-kultivazzjoni tal-qara’ aħmar. Hija kkaratterizzata minn temperaturi għoljin, preċipitazzjoni suffiċjenti u mqassma b’mod uniformi (madwar 600–800 mm/sena) u umdità għolja. Iż-żoni tradizzjonali tal-kultivazzjoni tal-qara’ aħmar jinkludu ż-żoni tal-Awstrija t’Isfel imsemmija hawn fuq, li jappartjenu għaż-żona tal-klima Pannonjana pre-Alpina li hija daqstant xemxija (madwar 1 850–2 100 siegħa ta’ xemx) iżda kemxejn aktar niexfa (xita medja annwali ta’ bejn 500 u 750 mm/sena).

L-għarfien espert ta’ dawk li jkabbru l-qara’ aħmar fir-rigward tal-kultivazzjoni u l-ġestjoni tal-għelejjel ippermetta lis-Steiermark tmexxi “l quddiem avvanzi teknoloġiċi fil-proċess tal-kultivazzjoni u l-ħsad u fl-ipproċessar taż-żerriegħa. Iż-żrieragħ bla qoxra min-naħa tagħhom wasslu għall-iżvilupp tal-proċess tal-għasir ġentili tipiku tas-Steiermark, li fih l-għarfien tal-produtturi lokali dwar it-tul ta’ żmien u t-temperatura għall-inkaljar taż-żerriegħa kien strumentali biex iż-żejt li jirriżulta jingħata l-kwalità tiegħu, il-kulur ħadrani partikolarment skur u t-togħma tal-ġewż. Il-polpa prodotta bit-tħin fin taż-żrieragħ u t-taħlit tagħhom mal-ilma u l-melħ tissaħħan bil-mod f’taġen b’sistema ta’ tħawwid qabel ma tingħasar; dan inaqqas il-kontenut ta’ ilma b’mod konsiderevoli u jagħtih it-togħma tipika tiegħu. Jista’ jkollha togħma bejn wieħed u ieħor inkaljata skont l-intensità ta’ dan il-proċess tal-inkaljar. Iż-żejt imbagħad jinkiseb mill-polpa inkaljata fi proċess purament mekkaniku/idrawliku mingħajr aktar tisħin.

Speċifiċità tal-prodott

Żejt dikrojku 100 % pur, viskuż u ta’ kulur skur li jidher aħdar skur/ħamrani kontra d-dawl u li jinkiseb mill-ewwel għasir ta’ żrieragħ naturalment bla qoxra minn qara” aħmar taż-żejt tas-Steiermark iċċertifikat (Cucurbita pepo var. styriaca) prodott bl-użu ta’ proċess ta’ tagħsir tradizzjonali żviluppat fir-reġjun.

Iż-żejt għandu togħma ta’ ġewż u riħa karatteristika. Għandu kontenut għoli ta’ xaħmijiet poliinsaturati u huwa nutrittiv ħafna.

Rabta kawżali

Il-kundizzjonijiet klimatiċi fiż-żoni tat-tkabbir ifissru li l-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark jimmatura biss fl-aħħar tas-sajf jew fil-ħarifa, u jirriżulta f’livell għoli ta’ aċidi xaħmin insaturati ta’ valur nutrittiv. Iż-żrieragħ bla qoxra, l-esperjenza u l-għarfien espert tal-bdiewa u tal-magħsar taż-żejt fit-tkabbir, il-ħsieb għal u l-ħsad tal-wiċċ tar-raba’ u l-proċess tradizzjonali tal-għasir żviluppat fiż-żona ġeografika ddefinita jiggarantixxu t-togħma tipika u l-kwalità speċjali msemmija qabel tas-“Steirisches Kürbiskernöl”. Tingħata prijorità kbira liż-żamma tal-kwalità. Workshops sensorjali u konferenzi dwar it-tkabbir tal-qara’ aħmar jgħinu biex jippreservaw l-għarfien espert tradizzjonali u jadattawh għas-sejbiet moderni.

L-importanza u r-rispett tal-prodott huma riflessi fl-għeruq fondi tiegħu u fil-grad għoli ta’ familjarità u identifikazzjoni tal-popolazzjoni tas-Steiermark mas-“Steirisches Kürbiskernöl”. Iż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tas-Steiermark huwa wieħed mill-ambaxxaturi kulinari tar-reġjun, flimkien mat-tuffieħ tas-Steiermark, ir-rafan tas-Steiermark u l-inbid tas-Steiermark, u jissejjaħ id-“deheb iswed” jew “deheb aħdar” tas-Steiermark. Skont il-folklor lokali, iż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tas-Steiermark huwa dak li jagħti lill-poplu tas-Steiermark is-saħħa u l-ħeġġa unika tiegħu għall-ħajja. Il-media tirrapporta b’mod estensiv dwar kif sejra l-għalla, ir-rendiment għas-sena, u l-bidu tal-ħsad tal-qara’ aħmar (pereżempju, l-artiklu “Kürbisernte: In den nächsten Tagen geht es los” ta’ Karlheinz Lind dwar il-bidu imminenti tal-ħsad tal-qara’ aħmar f’Neues Land, ir-rivista ta’ kull ġimgħa tal-Federazzjoni tal-Bdiewa tas-Steiermark tal-25 ta’ Awwissu 2021). In-nies tas-Steiermark huma kburin biż-żejt “tagħhom”; biżgħat ta’ irregolaritajiet jew rapporti ta’ żrieragħ li allegatament joriġinaw barra ż-żona permessa jiġu rrappurtati b’mod estensiv fil-media (eż. l-artiklu “Krieg der Kerne in der Steiermark” ta’ Verena Kainrath dwar il-gwerer taż-żrieragħ fis-Steiermark in Der Standard fl-20 ta’ Mejju 2015).

Is-“Steirisches Kürbiskernöl” huwa reklam rikonoxxut nazzjonalment u internazzjonalment għall-kċina tas-Steiermark. L-użu tiegħu għandu ħafna għanijiet prattiċi fil-preparazzjoni ta’ aperitivi, platti prinċipali u deżerti, u fir-raffinament tal-ħelu. Għaldaqstant, tiftixa fuq l-internet għal dan iż-żejt ittella’ ammont bla għadd ta’ suġġerimenti ta’ riċetti.

L-identifikazzjoni reġjonali b’għeruq fondi mas-“Steirisches Kürbiskernöl” sabet espressjoni f’bosta avvenimenti tradizzjonali li żviluppaw madwar dan il-prodott (bħall-fiera tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark) u saħansitra wasslet għall-ħolqien ta’ firxa ta’ lbies folkloristiku bit-tema tal-qara’ aħmar taż-żejt tas-Steiermark (dirndl, libsa u “kappell speċjali taż-żerriegħa taż-żejt”).

Premjijiet ta’ profil għoli għaż-żejt mogħtija minn ġuriji speċjalizzati ta’ esperjenza, li d-deliberazzjonijiet tagħhom huma infurmati minn testijiet preċiżi tal-laboratorju, f’ċeremonji ta’ premjijiet b’mijiet ta’ mistednin, huma partikolarment importanti għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt. Tiftixa fuq l-internet għal dawn il-premjijiet toffri bosta rapporti dwar il-premju reġjonali uffiċjali annwali, il-ħolqien freestyle ta’ platt li jinvolvi ż-żejt u l-faqqiegħ, u l-għażla annwali tal-aqwa żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar tas-Steiermark mill-gwida kulinari ewlenija “Gault & Millau” (ara wkoll, pereżempju, l-artiklu ta’ Michael Saria dwar it-testijiet ta’ Gault & Millau fil-Kleine Zeitung fis-16 ta’ Ġunju 2021).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.patentamt.at/herkunftsangaben/steirischeskuerbiskernoel/


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


30.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/20


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, fi Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2022/C 327/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI LI MA HIJIEX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Miele della Lunigiana”

Nru tal-UE: PDO-IT-0195-AM01 – 8.7.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio Miele della Lunigiana DOP [Miele della Lunigiana PDO Protection Association], c/o Unione dei Comuni - Piazza delle Libertà, 17 - 54013 Fivizzano

Email: mieledellalunigiandop@yahoo.it

Posta elettronika ċċertifikata: mieledellalunigiandop@arubapec.it

L-assoċjazzjoni msemmija qabel tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tal-Ordni Ministerjali Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [speċifika] Ippakkjar, informazzjoni dwar il-korp ta’ spezzjoni

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata, li ma għandhiex tiġi kkwalifikata bħala minuri, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti)

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 4.2 tas-sommarju ppubblikat u l-punt 3.2 tad-Dokument Uniku. B’mod partikolari, il-kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF) ġie mmodifikat kemm għat-tip tal-akaċja kif ukoll għat-tip tal-qastan tal-“Miele della Lunigiana”.

Verżjoni attwali:

“Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF): mhux aktar minn 10 mg/kg meta jiġi ppakkjat f’vażetti”

Verżjoni ġdida:

“Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF): mhux aktar minn 10 mg/kg fi żmien 4 xhur mill-estrazzjoni tal-għasel”

Id-dinamika tal-istabbilimenti tat-trobbija tan-naħal inbidlet minn meta ġiet rikonoxxuta d-DOP. L-istabbilimenti kienu jkunu azjendi żgħar ħafna li kienu jintużaw biex jissupplimentaw introjtu ieħor, iżda llum, parti kbira minnhom huma bdiewa professjonali li jikkummerċjalizzaw ukoll il-prodott permezz ta’ persuni li jippakkjaw il-prodott, u b’hekk żdied il-ħin tal-immaniġġjar tal-prodott. Barra minn hekk, inbidlu wkoll il-kanali ta’ distribuzzjoni li kienu jintużaw u d-dinamika tas-suq. Filwaqt li qabel il-prodott kien jitqiegħed għall-bejgħ sakemm eventwalment jispiċċa matul is-sena, illum, il-fatt li l-produtturi jaħdmu ma’ bejjiegħa kbar bl-imnut ifisser li huwa meħtieġ li tinżamm provvista kostanti tal-prodott matul perjodu itwal ta’ żmien, u li jiġi żgurat li jkun dejjem stokkjat fis-supermarkets, sabiex ma jintilfux il-pożizzjonijiet tas-suq li diffiċli biex jerġgħu jinkisbu.

Dan il-perjodu itwal għall-ippakkjar tal-prodott għar-rilaxx fis-suq jagħmilha diffiċli li l-parametru tal-idrossimetilfurfural (HMF) jinżamm fi ħdan il-limiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, peress li huwa valur li jiżdied maż-żmien kif ukoll wara li jissaħħan l-għasel, li xi drabi jkun meħtieġ sabiex ikun jista’ jiġi ppakkjat f’kaxxi f’każ li jkun għaqad.

Il-bidla fil-perjodu għall-verifika tal-parametru ma tfissirx li ma hemmx kontroll fuq il-kwalità tal-prodott, peress li l-valur ta’ dan il-parametru bil-liġi huwa ta’ 40 mg/kg, li huwa ferm ogħla minn dak stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-għan tal-emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa li jiġi żgurat li l-HMF jitkejjel fl-4 xhur ta’ wara l-estrazzjoni, meta l-għasel ikun iċċara. Fi kwalunkwe każ, il-parametri stabbiliti bil-liġi jiġu rrispettati matul l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni.

Żona ġeografika

Din l-emenda tikkonċerna l-punt 4.3 tas-sommarju ppubblikat, li issa huwa l-punt 4 tad-Dokument Uniku.

Verżjoni attwali:

“Iż-żona ta’ produzzjoni, ipproċessar, preparazzjoni u ppakkjar għall-‘Miele della Lunigiana’ tal-Akaċja u tal-Qastan tinkludi l-parti tal-provinċja ta’ Massa Carrara, fir-Reġjun tat-Toskana, li tikkorrispondi għaż-żona fil-Komunità Muntanjuża ta' Lunigiana, li tkopri madwar 97 000 ha.”

Verżjoni ġdida:

“Iż-żona ta’ produzzjoni għall-‘Miele della Lunigiana’ tal-Akaċja u tal-Qastan tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Massa Carrara: Pontremoli, Zeri, Mulazzo, Tresana, Podenzana, Aulla, Fosdinovo, Filattiera, Bagnone, Villafranca in Lunigiana, Licciana Nardi, Comano, Fivizzano u Casola in Lunigiana.

Din iż-żona hija medda unika ta’ art li tkopri madwar 97 000 ha, u tikkorrispondi għaż-żona tal-Komunità Muntanjuża tal-Lunigiana. ”

Iż-żona ta’ produzzjoni ma nbidlitx, iżda l-lista ta’ muniċipalitajiet ġiet inkluża biss fl-Ispeċifikazjoni tal-Prodott u mhux fis-sommarju ppubblikat. Għalhekk, il-lista ta’ muniċipalitajiet ġiet miżjuda mad-Dokument Uniku.

Metodu ta’ produzzjoni

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 5.3 - Estrazzjoni u pproċessar, u l-punt 4.5 tas-sommarju ppubblikat. Żdiedet il-fażi tat-tneħħija tal-umdità.

Żdiedet il-frażi li ġejja:

“It-tneħħija tal-umdità tista’ ssir bl-użu ta’ apparati biex jixorbu l-umdità mill-arja li joħolqu kurrent ta’ arja xotta, jew bl-użu ta’ magni xierqa għat-tneħħija tal-umdità tal-għasel, bħal apparati biex jixorbu l-umdità mill-arja b’diska.”

Huwa essenzjali li jiġi vverifikat il-kontenut ta’ ndewwa tal-għasel sabiex jiġu ppreservati l-kwalitajiet u l-karatteristiċi tiegħu. Fi snin reċenti, ġiet osservata ndewwa eċċessiva fl-għasel f’għadd ta’ okkażjonijiet minħabba x-xita frekwenti matul il-perjodu tal-fjuri, li jagħmilha neċessarja li tiġi inkluża fażi tat-tneħħija tal-umdità sabiex l-għasel jinġieb fi ħdan il-parametri ta’ stabbiltà. L-aqwa kundizzjonijiet għall-ġbir ta’ għasel ta’ kwalità jkunu fl-istaġuni tal-fjuri li huma friski u adegwati, iżda mhux b’umdità eċċessiva, filwaqt li l-kundizzjonijiet ma jkunux favorevoli meta x-xita tkun aktar frekwenti. L-introduzzjoni tat-tneħħija tal-umdità tfisser li l-ġbir tal-għasel ma jkunx imxekkel preċiżament f’dawk l-istaġuni mhux favorevoli meta jkun hemm kwantità iktar baxxa ta’ għasel. Il-kontenut ta’ ndewwa eċċessiva tal-għasel u t-temperaturi għoljin possibbli li jsegwu qabel ma jitqiegħed fuq is-suq jistgħu jħeġġu l-proliferazzjoni tal-ħmira ożmofilika, li tikkawża il-fermentazzjoni, u b’hekk twassal biex il-“Miele della Lunigiana” jitlef il-karatteristiċi tiegħu ta’ kwalità u eċċellenza.

Tikkettar

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 4.8 tas-sommarju ppubblikat u l-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Verżjoni attwali:

“(1)

‘Miele della Lunigiana’ tal-Akaċja jew tal-Qastan;

(2)

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta;

3)

Il-logo tad-DOP skont it-tifsira tar-Regolament (KEE) Nru 1726/98: dan il-logo jista’ jiġi inkluż jew fuq it-tikketta jew fuq is-siġill li għandu jitwaħħal mal-ippakkjar;

(4)

Id-data ta’ durabbiltà minima msemmija fl-Artikoli 3 u 9 tad-Direttiva 2000/13/KE trid tiġi indikata bil-kliem li ġej ‘tajjeb qabel l-aħħar ta’’, segwit bix-xahar u s-sena; fi kwalunkwe każ, id-data ma tridx tkun aktar minn sentejn wara d-data tal-ippakkjar.”

Verżjoni ġdida:

“(1)

‘Miele della Lunigiana’ tal-Akaċja jew tal-Qastan;

(2)

L-akronimu ‘DOP’ [PDO], jew ‘Denominazione di Origine Protetta’ [Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta] miktub sħiħ;

(3)

Il-logo tal-UE: dan il-logo jista’ jiġi inkluż jew fuq it-tikketta jew fuq is-siġill li għandu jitwaħħal mal-ippakkjar;

(4)

Id-data ta’ durabbiltà minima bil-liġi, li fi kwalunkwe każ ma tridx tkun aktar minn sentejn mid-data tal-ippakkjar;

(5)

L-isem tad-denominazzjoni u l-logo tal-UE jridu jidhru fuq it-tikketta jew fuq l-ippakkjar bi kliem ċar, li ma jistax jitħassar, u b’kulur li joħloq kuntrast qawwi mal-kulur tat-tikketta; it-termini l-oħrajn kollha jridu jkunu b’karattri iżgħar minn dawk tad-denominazzjoni protetta;”

L-emenda se tippermetti li l-akronimu “DOP” jintuża bħala alternattiva għall-kliem sħiħ, li jfisser li se jkun possibbli li jiġi adattat għall-qisien differenti tal-ippakkjar.

Barra minn hekk, ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni li ma għadhomx japplikaw tħassru u saret referenza għar-regoli fis-seħħ.

Ġiet introdotta possibbiltà li l-preżentazzzjoni grafika tal-isem u tal-logo jiġu adattati skont l-ippakkjar li jintuża.

Oħrajn

Ippakkjar

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 il-punt 5.4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-punt 4.5 tas-sommarju ppubblikat u l-punt 3.5 tad-Dokument [Uniku] dwar it-tipi ta’ ppakkjar. Barra minn hekk, ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni li ma għadhomx japplikaw tħassru.

Verżjoni attwali:

“Huwa permess biss ippakkjar tal-ħġieġ b’għatu li jinqala’, fil-formati li ġejjin: 30 sa 1 000 g”

Verżjoni ġdida:

“Il-prodott jista’ jiġi ppakkjat fi kwalunkwe kontenitur ta’ kapaċità u ta’ materjal li huwa tajjeb għall-ikel permessi bil-liġi fis-seħħ, preferibbilment dawk li huma magħmula kompletament minn materjal riċiklabbli jew kompostabbli. Hija biss id-DOP ‘Miele della Lunigiana’ li ma hijiex maħsuba għall-konsumaturi aħħarin li tista’ tiġi ppakkjata f’kontenituri ta’ kapaċità kbira u li huma tajbin għall-ikel”.

Il-metodi ta’ ppakkjar stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali wrew li huma limitazzjoni kbira kemm għall-istadju tal-bejgħ kif ukoll għall-promozzjoni tal-prodott. L-għażla li jintuża kwalunkwe tip ta’ kontenitur għall-ippakkjar se tagħmilha possibbli li jkun hemm rispons aħjar għad-domandi tas-suq.

Barra minn hekk, il-fatt li l-għasel mhux maħsub għall-konsumaturi aħħarin ikun jista’ jiġi ppakkjat f’kontenituri b’kapaċità kbira se jippermetti li d-DOP “Miele della Lunigiana” tintuża bħala ingredjent fi prodotti pproċessati. L-indikazzjoni li materjali ta’ ppakkjar kompletament riċiklabbli jew kompostabbli għandhom ikunu ppreferuti se jħeġġeġ aktar lill-operaturi biex jagħżlu dawn il-materjali.

Verżjoni attwali:

“b)

jiġu ggarantiti l-kontroll u t-traċċabilità tal-prodott sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli obbligatorji mwettqa mill-korp awtorizzat f’kull stadju tal-produzzjoni previst fl-Artikolu 7 ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92)”.

Verżjoni ġdida:

“b)

jiġu ggarantiti l-kontroll u t-traċċabilità tal-prodott sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli obbligatorji mwettqa mill-korp awtorizzat f’kull stadju tal-produzzjoni previst fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ”.

Ir-referenza għal-leġiżlazzjoni mħassra tneħħiet;

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Verżjoni attwali:

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 2081 tal-14 ta’ Lulju 1992, korp privat approvat jivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott”.

Verżjoni ġdida:

“Verifika tal-konformità tal-prodott mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott issir minn korp ta’ spezzjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1151/2012. Il-korp ta’ spezzjoni huwa: Bioagricert srl, Via dei Macabraccia n.8/3-4-5, Casalecchio di Reno (il-Provinċja ta’ Bolonja); Telefon: 051 562158; Posta elettronika ċertifikata: Bioagricert@pec.bioagricert.org;; Posta elettronika: info@bioagricert.org”

L-artikolu dwar il-kontrolli ġie aġġornat billi ddaħħlu d-dettalji tal-korp ta’ spezzjoni u bl-aġġornament tar-referenzi legali.

DOKUMENT UNIKU

“Miele della Lunigiana”

Nru tal-UE: PDO-IT-0195-AM01 – 8.7.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/ismijiet [tad-dop jew tal-iġp]

“Miele della Lunigiana”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr il-butir, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Miele della Lunigiana” hija riżervata għaż-żewġ tipi ta’ għasel li ġejjin: l-għasel tal-akaċja u l-għasel tal-qastan.

Il-“Miele della Lunigiana” tal-Akaċja huwa ddefinit bħala għasel prodott mill-fjuri ta’ Robinia pseudoacacia L. Il-“Miele della Lunigiana” tal-Qastan huwa ddefinit bħala għasel prodott mill-fjuri ta’ Castanea sativa M.

Karatteristiċi tal-prodott

Il-“Miele della Lunigiana” tal-Akaċja

Karatteristiċi organolettiċi

Il-“Miele della Lunigiana” tal-Akaċja għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

Jibqa’ ċar u likwidu għal żmien twil. Lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, tista’ sseħħ xi kristallizzazzjoni parzjali, iżda mingħajr ma twassal għal kristallizzazzjoni sħiħa;

Konsistenza: dejjem magħqud, skont il-kontenut ta’ ilma;

Kulur: ċar ħafna, li jvarja minn kważi mingħajr kulur għal isfar kulur it-tibna;

Aroma: ħafifa, ma tantx iddum, li tfakkar fil-frott u l-konfettura, simili għal dik tal-fjuri;

Togħma: deċiżament ħelwa, kemxejn aċiduża iżda mhux morra. It-togħma hija delikata ħafna, tipikament bi ħjiel tal-vanilla, ma tantx iddum, u mingħajr ma tħalli togħma wara l-ikkunsmar.

Karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u mikroskopiċi

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, il-“Miele della Lunigiana” tal-Akaċja jrid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Kontenut ta’ ilma: mhux iktar minn 18 %;

Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF): mhux aktar minn 10 mg/kg fi żmien 4 xhur mill-estrazzjoni tal-għasel.

Karatteristiċi melissopalinoloġiċi

Is-sediment tal-għasel ġeneralment ma jkollux kontenut għoli ta’ għabra tad-dakra, b’inqas minn 20 000 ħabba tal-għabra tad-dakra tal-akaċja għal kull 10 g ta’ għasel.

Il-“Miele della Lunigiana” tal-Qastan

Karatteristiċi organolettiċi

Il-“Miele della Lunigiana” tal-Qastan għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

Jibqa’ likwidu għal żmien twil. Lejn tmiem il-perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, tista’ sseħħ kristallizzazzjoni parzjali u irregolari;

Kulur: ambra skur, spiss b’noti ħamranin;

Aroma: pjuttost b’saħħitha u punġenti;

Togħma: iddum ħafna, b’xi livell ta’ mrar.

Karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u mikroskopiċi

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, il-“Miele della Lunigiana” tal-Qastan irid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Kontenut ta’ ilma: mhux iktar minn 18 %;

Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF): mhux aktar minn 10 mg/kg fi żmien 4 xhur mill-estrazzjoni tal-għasel.

Karatteristiċi melissopalinoloġiċi

Is-sediment tal-għasel huwa rikk fl-għabra tad-dakra, b’aktar minn 100 000 ħabba tal-għabra tad-dakra tal-qastan għal kull 10 g ta’ għasel.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Kwalunkwe għalf artifiċjali jrid jitwaqqaf qabel ma jiddaħħlu l-kwadri u, fi kwalunwke każ, irid jinkludi biss zokkor u ilma.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-preparazzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott jista’ jiġi ppakkjat fi kwalunkwe kontenitur ta’ kapaċità u ta’ materjal li huwa tajjeb għall-ikel permessi bil-liġi fis-seħħ, preferibbilment dawk li huma magħmula kompletament minn materjal riċiklabbli jew kompostabbli. Hija biss id-DOP “Miele della Lunigiana” li ma hijiex maħsuba għall-konsumaturi aħħarin li tista’ tiġi ppakkjata f’kontenituri ta’ kapaċità kbira u li huma tajbin għall-ikel. Il-prodott irid jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita. L-ippakkjar fi ħdan iż-żona ġeografika ddefinita, flimkien mal-fażijiet l-oħrajn tal-produzzjoni, huwa prattika tradizzjonali fiż-żona u huwa ġġustifikat sabiex:

a)

tiġi protetta l-kwalità tal-prodott, fis-sens li l-ippakkjar fi ħdan iż-żona ddefinita jevita kwalunkwe riskju ta’ deterjorament fil-karatteristiċi kimiċi/fiżiċi u organolettiċi tal-għasel li jista’ jiġi kkawżat minn ċaqliq inevitabbli u varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet fiżiċi u ambjentali li jseħħu matul it-trasport lejn żona oħra;

b)

jiġu ggarantiti l-kontroll u t-traċċabilità tal-prodott sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli obbligatorji mwettqa mill-korp awtorizzat f’kull stadju tal-produzzjoni previst fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-informazzjoni relatata mad-denominazzjoni u mal-preżentazzjoni tal-prodott ippakkjat hija rregolata mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Minbarra l-informazzjoni meħtieġa bil-liġi, l-informazzjoni li ġejja trid tinkludi dan li ġej:

(1)

Il-“Miele della Lunigiana” tal-akaċja jew tal-qastan;

(2)

L-akronimu “DOP” [PDO], jew “Denominazione di Origine Protetta” [Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta] miktub sħiħ;

(3)

Il-logo tal-UE: dan il-logo jista’ jiġi inkluż jew fuq it-tikketta jew fuq is-siġill li għandu jitwaħħal mal-ippakkjar;

(4)

Id-data ta’ durabbiltà minima, li fi kwalunkwe każ ma tridx tkun aktar minn sentejn mid-data tal-ippakkjar;

(5)

L-isem tad-denominazzjoni u l-logo jridu jidhru fuq it-tikketta jew fuq l-ippakkjar bi kliem ċar, li ma jistax jitħassar, u b’kulur li joħloq kuntrast qawwi mal-kulur tat-tikketta; it-termini l-oħrajn kollha jridu jkunu b’karattri iżgħar minn dawk tad-denominazzjoni protetta.

Fuq it-tikketta jista’ jkun hemm ukoll informazzjoni oħra fakultattiva biex tassisti lill-konsumatur u/jew informazzjoni nutrizzjonali.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni għall-“Miele della Lunigiana” tal-Akaċja u tal-Qastan tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin fil-provinċja ta’ Massa Carrara: Pontremoli, Zeri, Mulazzo, Tresana, Podenzana, Aulla, Fosdinovo, Filattiera, Bagnone, Villafranca in Lunigiana, Licciana Nardi, Comano, Fivizzano u Casola in Lunigiana.

Din iż-żona hija medda unika ta’ art li tkopri madwar 97 000 ha, u tikkorrispondi għaż-żona tal-Komunità ta’ Żona Muntanjuża tal-Lunigiana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni hija ġeneralment muntanjuża. Lejn it-Tramuntana u l-Lvant, hija sseparata mill-Wied tal-Po mill-katina tal-Appennini tat-Toskana u l-Emilia-Romagna, filwaqt li l-katina tal-ġebla tal-ġir tal-Alpi Apwani lejn in-Nofsinhar u t-tarf tal-Appennini Liguri lejn il-Punent jaqsmu l-Lunigiana minn widien oħrajn tal-viċinat.

Fiċ-ċentru taż-żona hemm baċir wiesa’, alluvjali, intramuntanjuż b’sistema kumplessa ta’ xmajjar, li minnhom l-aktar xmara importanti hija x-Xmara Magra, li jispiċċaw fiha l-korsiji kollha tal-ilma fiż-żona.

Il-prossimità tal-Lunigiana għall-baħar u l-kumplessità tal-pajsaġġ muntanjuż joħolqu firxa wiesgħa ta’ gradjenti mikroklimatiċi, u minħabba f’hekk, iż-żoni li jinsabu aktar fil-baxx huma soġġetti għall-effetti tal-inverżjoni termali, li joħolqu ċpar frekwenti matul il-lejl li spiss idum sa tard filgħodu, filwaqt li l-għoljiet igawdu minn klima aktar moderata.

Il-ħamrija u n-natura muntanjuża tal-Lunigiana kienu jfissru li ż-żona ma ġietx sfruttata b’mod intensiv; dan, flimkien ma’ nuqqas ta’ żvilupp industrijali, ippreserva l-integrità tal-ambjent biż-żona tal-foresti abbundanti tiegħu. Il-Lunigiana bħalissa għandha madwar 65 000 ha ta’ żona tal-foresti, li tirrappreżenta 67 % tal-erja tagħha. L-aktar speċijiet komuni huma l-akaċja (Robinia pseudoacacia) u l-qastan (Castanea sativa). L-akaċja, li hija speċi ta’ siġra li tintuża għall-konsolidazzjoni tal-inklinazzjonijiet, issa tikber b’mod naturali u hija mifruxa f’żoni abbandunati. Matul il-perjodu qasir iżda intens ħafna tal-fjuri f’April/Mejju, in-naħal jipproduċu kwantitajiet kbar ta’ nwar miż-żahra.

Is-siġar tal-qastan, li ilhom jitkabbru sa minn żmien ir-Rumani, ilhom riżorsa importanti għall-familji bdiewa fil-Lunigiana, kemm bħala sors ta’ ikel kif ukoll għal użi oħrajn (faħam, injam u tannin), u matul il-perjodu tal-fjuri f’Ġunju u Lulju iżurhom in-naħal. Għalhekk, maż-żmien, l-abbundanza ta’ dawn iż-żewġ speċijiet, ħeġġet lil dawk li jrabbu n-naħal biex jipproduċu ż-żewġ tipi ta’ għasel.

It-trobbija tan-naħal tradizzjonalment kienet issir barra minħabba l-popolazzjoni sparsa, u l-attività hija mifruxa maż-żona kollha. L-abbundanza taż-żewġ speċijiet, l-akaċja u l-qastan, u s-sekwenza favorevoli tal-fjuri jippermettu l-produzzjoni ta’ għasel partikolarment pur.

It-trobbija tan-naħal dejjem kienet issir fil-Lunigiana u għadd ta’ dokumenti storiċi huma prova ta’ dan u tal-fama tal-prodott. Dokument miż-żminijiet ta’ Napuljun jinnota l-għadd ta’ doqqajs li kienu jintużaw u l-produzzjoni u l-bejgħ tal-għasel lil firxa ta’ negozjanti. L-istess dokument jinnota li kien hemm fabbrika tax-xemgħat li kienet tipproduċi għas-suq lokali. Iż-żona għandha tradizzjoni kontinwa ta’ produzzjoni tal-għasel u ta’ prodotti tad-doqqajs li tmur lura sekli sħaħ, u l-istabbiliment fl-1873 tal-Assoċjazzjoni ta’ Dawk li jrabbu n-Naħal, li l-għan prinċipali tagħha kien it-tixrid ta’ prattiki razzjonali tat-trobbija tan-naħal, huwa prova ċara tal-għeruq profondi tal-attività fil-Lunigiana.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.