ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 285A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
26 ta' Lulju 2022


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 285 A/01

Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (F4E) — Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-funzjoni ta’ Direttur (Aġent Temporanju — Grad AD 14) — COM/2022/20086

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

26.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 285/1


Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (F4E)

Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-funzjoni ta’ Direttur

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2022/20086

(2022/C 285 A/01)

 

Min aħna

L-impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija — F4E) ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom (1) għal perjodu ta’ 35 sena. Hija l-Aġenzija Domestika tal-Euratom skont it-tifsira tal-Ftehim ITER u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Bħala tali, ir-rwol ewlieni tal-F4E huwa li tipprovdi l-kontribuzzjoni Ewropea (45 %) għall-kostruzzjoni tal-proġett ITER, fi ħdan il-baġit, fil-ħin, u f’konformità mar-rekwiżiti tal-ITER. ITER huwa magna/apparat ta’ riċerka dwar il-fużjoni, li bħalissa qed jinbena f’Cadarache, Franza, li se jikkostitwixxi qabża kbira lejn il-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa u sostenibbli mill-fużjoni, li tipprovdi sors futur ta’ enerġija li tikkumplimenta l-enerġija rinnovabbli. Il-komponenti huma pprovduti wkoll mill-firmatarji l-oħra tal-Ftehim ITER (iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea, ir-Russja, u l-Istati Uniti tal-Amerika). L-F4E tikkontribwixxi wkoll għall-attivitajiet ta’ Approċċ Usa’ mal-Ġappun u tikkoordina l-attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur dimostrattiv tal-fużjoni (DEMO) u faċilitajiet relatati.

L-F4E hija bbażata f’Barċellona, Spanja. Il-lingwa ta’ ħidma tal-persunal tal-Impriża Konġunta hija l-Ingliż, skont deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija. Il-partijiet ikkonċernati tal-F4E jinkludu l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, l-Organizzazzjoni ITER, il-Bord ta’ Tmexxija tal-F4E, l-industrija, il-laboratorji Ewropej tal-fużjoni u l-pubbliku ġenerali. Ir-riżorsi indikattivi għall-F4E mill-2021 sal-2027 huma ta’ madwar EUR 6,7 biljun. Biex issir taf aktar dwar l-F4E, żur https://fusionforenergy.europa.eu.

X’qegħdin nipproponu

Il-funzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta.

Id-Direttur tal-Impriża Konġunta huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv, responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-F4E u huwa r-rappreżentant legali tagħha. Id-Direttur huwa responsabbli lejn il-Bord ta’ Tmexxija tal-F4E u jaġixxi taħt il-gwida tiegħu f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea bħala r-rappreżentant tal-Euratom fil-Kunsill tal-ITER. Id-Direttur huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-organizzazzjoni u jirrappreżenta l-F4E lejn l-Organizzazzjoni ITER.

Id-Direttur imexxi l-persunal tal-F4E li l-għadd tagħhom kien qed jikber progressivament matul il-kostruzzjoni. Bħalissa l-F4E tinkludi madwar 440 membru tal-persunal minbarra 400 persunal estern, prinċipalment fornituri ta’ servizzi. L-evoluzzjoni futura tagħha se tiddependi fuq il-ħtiġijiet u l-progress tal-proġett kif ukoll fuq id-disponibbiltà tal-finanzjament.

Ir-responsabbiltajiet tad-Direttur jinkludu:

1.

L-iżgurar tal-kisba tal-objettivi tal-F4E f’konformità mal-missjoni tagħha, u b’mod partikolari l-iżgurar li l-kontribuzzjoni Ewropea (in natura u flus kontanti) lill-Organizzazzjoni ITER tiġi pprovduta fil-ħin, u f’konformità mar-rekwiżiti tal-ITER u l-istandards tas-sikurezza nukleari, u fi ħdan il-baġit approvat;

2.

Il-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-proġett ITER integrat bis-sħiħ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni ITER, b’enfasi partikolari fuq l-isforzi li jikkontribwixxu għall-eżekuzzjoni bla xkiel tal-proġett permezz ta’ sforzi konġunti tal-F4E u l-Organizzazzjoni ITER;

3.

Il-kontribuzzjoni għat-tmexxija ġenerali tal-proġett ITER billi taħdem b’mod effettiv mal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni ITER (fl-approċċ ta’ “tim wieħed — proġett wieħed”), Aġenziji Domestiċi oħra tal-ITER, u l-Kummissjoni Ewropea;

4.

Ir-rendikont u l-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-F4E rigward kwistjonijiet strateġiċi u baġitarji relatati mal-F4E;

5.

L-iżgurar tal-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi umani, il-promozzjoni ta’ ambjent tax-xogħol b’saħħtu u kollaborattiv ibbażat fuq il-fiduċja, is-solidarjetà u r-rispett, u l-applikazzjoni ta’ politika dwar id-diversità u l-opportunitajiet indaqs, bl-appoġġ mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni li jikkondividu l-aħjar prattiki tal-ġestjoni tar-riżorsi umani applikabbli fil-Kummissjoni;

6.

Il-kunsiderazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ għodod ta’ ġestjoni xierqa, pereż. valutazzjoni tal-ġestjoni ta’ 360 gradi, sabiex jiġu żgurati l-prestazzjoni u r-reżiljenza tal-organizzazzjoni u jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati fil-kuntest tal-isfidi intrinsiċi tal-Ewwel proġett ta’dan it-Tip ta’ Azzjoni;

7.

It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjan ġenerali tal-proġett li jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tal-F4E, li jiddefinixxi l-indikaturi tal-prestazzjoni biex jiġi segwit il-progress tal-proġett f’konformità mal-objettivi tal-ITER, u li jiżgura l-aktar użu effettiv tar-riżorsi tal-F4E;

8.

L-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-F4E, f’konformità mar-regolament finanzjarju (2) u l-ġestjoni finanzjarja tajba tagħha, u f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni;

9.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-akkwist u t-twassil ta’ komponenti mill-F4E fiż-żmien meħtieġ, il-kwalità u l-baġit, inklużi l-attivitajiet kollha relatati mar-R &D; L-għoti u l-monitoraġġ ta’ kuntratti ta’ akkwist skont il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tal-UE u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-politika industrijali tal-UE u tal-F4E;

10.

Ir-rappurtar lill-Istituzzjonijiet Ewropej rilevanti kif ukoll lill-korpi parlamentari nazzjonali f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni;

11.

L-implimentazzjoni u s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li jaslu mill-awditi mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

12.

L-iżgurar li l-attivitajiet tal-organizzazzjoni jiġġeneraw sinerġiji mal-Programm Ewropew integrat dwar il-Fużjoni (EUROfusion) u jitrawwem aktar l-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija mill-fużjoni fl-Ewropa.

13.

Ir-rappreżentanza tal-F4E, inkluż internazzjonalment, lejn il-partijiet ikkonċernati kollha.

Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-kompiti tad-Direttur tista’ tinstab fid-Deċiżjoni 2007/198/Euratom.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-kandidati jenħtieġ li jkollhom:

Ħiliet ta’ maniġment

Esperjenza ppruvata u ta’ suċċess fil-livell tal-maniġment superjuri f’organizzazzjoni internazzjonali kbira, inkluż il-ġestjoni tal-proċessi tal-bidla.

Kapaċità ppruvata u rekord b’saħħtu fil-ġestjoni u t-tmexxija tar-riżorsi finanzjarji u umani ta’ servizz kbir.

Ħila ta’ tmexxija, motivazzjoni u żvilupp ta’ timijiet multikulturali ta’ persunal bi kwalifiki għoljin bl-aħjar mod tal-potenzjal tagħhom, u dak ta’ kull individwu.

Azzjoni bħala parteċipant f’tim fi ħdan it-tim ta’ ġestjoni ta’ organizzazzjoni li taħdem fil-fruntieri tax-xjenza, it-teknoloġija u l-industrija.

Ħiliet analitiċi tajbin ħafna u l-kapaċità li jissolvew problemi organizzattivi u operazzjonali.

Ħiliet u esperjenza speċjalizzati

Esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti teknoloġiċi avvanzati f’ambjent Ewropew jew internazzjonali. Esperjenza li tinvolvi l-kostruzzjoni tal-ewwel tip ta’ faċilità teknoloġika fuq skala kbira tkun ta’ vantaġġ.

Kapaċità ta’ ġestjoni ta’ attivitajiet kbar ta’ akkwist industrijali f’konformità mal-ogħla standards ta’ rekwiżiti ta’ responsabbiltà u trasparenza u f’konformità mar-regoli Ewropej applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

Esperjenza fil-kostruzzjoni u/jew fil-ġestjoni ta’ faċilitajiet nukleari inklużi interazzjonijiet ma’ awtorità tas-sikurezza nukleari tkun ta’ vantaġġ.

Il-fehim tat-teknoloġiji tal-apparat tal-fużjoni u tal-attivitajiet, il-politiki u l-programmi Ewropej u internazzjonali tar-riċerka dwar il-fużjoni jkun ta’ vantaġġ.

Kwalitajiet personali

Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni u negozjar bil-kapaċità li jinbnew relazzjonijiet produttivi fit-tul ma’ kuntratturi u partijiet ikkonċernati oħra.

Ħila ta’ rappreżentazzjoni esterna lill-F4E u komunikazzjoni b’mod effettiv mal-partijiet ikkonċernati kollha.

Ħiliet interpersonali b’saħħithom u kapaċità li tiġi żgurata komunikazzjoni bidirezzjonali mal-persunal.

Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati biss għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Soġġett għal deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-F4E li jawtorizza eċċezzjoni f’konformità mal-Artikolu 12.2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, jekk meħtieġ, għall-ħatra tad-Direttur, l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll minn ċittadini tal-pajjiżi li ġejjin sakemm ikunu membri tal-F4E fid-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni: L-Iżvizzera, ir-Renju Unit.

Lawrja jew diploma universitarja: il-kandidati jrid ikollhom:

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ 4 snin jew aktar;

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (1) meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postgradwatorja (3) f’livell li l-kwalifiki msemmijin hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas ħames (5) snin minn dik l-esperjenza professjonali għandhom jinkisbu f’qasam rilevanti għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta.

Esperjenza ta’ ġestjoni: mill-inqas 5 snin esperjenza professjonali postgradwatorja miksuba f’funzjoni ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (4) f’qasam rilevanti għal din il-pożizzjoni.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista (jew parti minnha) issir f’din il-lingwa l-oħra.

Limitu tal-età: fl-iskadenza għall-applikazzjoni, il-kandidati jridu jkunu jistgħu jikkompletaw il-mandat sħiħ ta’ ħames (5) snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Fil-każ tal-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (6)).

Għażla u ħatra

Id-Direttur se jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija tal-F4E abbażi ta’ lista qasira pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.

Biex tistabbilixxi din il-lista qasira, il-Kummissjoni Ewropea torganizza għażla skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara d-Dokument dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja (7)).

Bħala parti minn din il-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni li jista’ jinkludi rappreżentant maħtur mill-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta u osservatur wieħed maħtur mill-Bord tat-Tmexxija. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmijin hawn fuq, li jkunu jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ evalwazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Abbażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista qasira tal-kandidati li jqis xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur tal-F4E.

Il-kandidati fuq il-lista qasira tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għad-Direttorat Ġenerali inkarigat/i mir-relazzjonijiet mal-Impriża Konġunta (8).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista qasira tal-kandidati l-aktar xierqa, li tiġi kkomunikata lill-Bord tat-Tmexxija tal-F4E. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jaħtar id-Direttur minn fost il-kandidati fuq il-lista l-qasira tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fuq il-lista ristretta ma tiggarantix il-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu iktar intervisti u / jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. Jistgħu jkunu meħtieġa wkoll li jagħmlu dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) relevanti tal-Parlament Ewropew.

Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni tas-sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara proċess ta’ investigazzjoni tas-sigurtà mwettaq mill-awtorità nazzjonali kompetenti tas-sigurtà tal-individwu, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Kun af li jista’ jingħata bidu għall-proċedura meħtieġa biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali).

Sakemm tingħata l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal mill-Istat Membru kkonċernat u titlesta l-proċedura ta’ approvazzjoni flimkien mal-briefing obbligatorju legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat ma jkunx jista’ jaċċessa l-Informazzjoni Klassifikata tal-UE (IKUE) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla minnu, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tkun qed tiġi diskussa tali IKUE.

Diversità u Inklużjoni

L-Impriża Konġunta tirrikonoxxi li bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa fattur motivazzjonali importanti għal ħafna nies u li ambjent tax-xogħol modern huwa dejjem aktar mistenni wkoll f’organizzazzjonijiet pubbliċi. Bħala impjegatur, l-Impriża Konġunta hija impenjata li tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi u li tipprevjeni d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni. Hija tilqa’ b’mod attiv l-applikazzjonijiet mill-kandidati kwalifikati kollha minn ambjenti diversi, fost l-abbiltajiet kollha u mill-bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli fost l-Istati Membri tal-UE. Biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-Impriża Konġunta tinkoraġġixxi applikazzjonijiet b’mod partikolari min-nisa. Tista’ tiġi pprovduta assistenza lil persuni b’diżabilità matul il-proċedura ta’ reklutaġġ. Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lil hr-selections@f4e.europa.eu u/jew ikkonsulta s-sit web https://fusionforenergy.europa.eu/

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stabbiliti fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidat li rnexxa se jiġi rreklutat mill-F4E bħala Aġent Temporanju fil-grad AD 14 (9). Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fil-pass 1 jew il-pass 2 f’dan il-grad.

Il-kandidat se jiġi maħtur għal mandat inizjali ta’ ħames (5) snin, li possibbilment jista’ jiġi estiż għal mhux aktar minn ħames (5) snin f’konformità mar-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta kif applikabbli fiż-żmien tal-ħatra.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea għall-persunal il-ġdid kollu li jtemm b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Barċellona, Spanja.

Il-post huwa disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2024.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kull interess li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw b’attenzjoni jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Min ma jissodisfax xi waħda mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tkun trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant nitolbuk iżżomm lill-Kummissjoni Ewropea informata bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF, preferibbilment fil-format tas-CV tal-Europass (10), u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix ittra elettronika ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk tkun teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil:

HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-23 ta’ Settembru 2022, 12.00 nofsinhar ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Nagħtuk parir li ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, minħabba li traffiku tal-internet qawwi jew xi problema fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tintemm qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkun tista’ tibdel jew iżżid l-ebda data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tal-bordijiet tal-għażla differenti huwa kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti milli jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew li ħaddieħor jagħmel dan f’isimhom. Il-mistoqsijiet kollha għandhom jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/791/Euratom tat-13 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 100), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2015/224 tal-10 ta’ Frar 2015 (ĠU L 37, 13.2.2015, p. 8), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2021/281 tat-22 ta’ Frar 2021 (ĠU L 62, 23.2.2021, p. 41).

(2)  It-test huwa disponibbli fuq https://industryportal.f4e.europa.eu/IP_PAGES/keyreference.aspx.

(3)  L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun definita bħala ħidma reali u ġenwina, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-leave tal-maternità / parentali / għall-adozzjoni jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Il-PhDs jiġu assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin, dment li l-PhD ikun tlesta b’riżultat pożittiv. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.

(4)  Għas-snin kollha li matulhom tkun inkisbet l-esperjenza maniġerjali, il-kandidati għandhom jindikaw b’mod ċar fil-curriculum vitae tagħhom: (1) it-titolu u r-rwol tal-karigi maniġerjali li kellhom; (2) l-għadd ta’ persunal taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’dawn il-karigi; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) in-numru ta’ livelli ġerarkiċi superjuri u inferjuri; kif ukoll (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01958R0001-20130701

(6)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140701

(7)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf (jeżisti bl-Ingliż biss).

(8)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007 1811) u tat-30 ta’ Settembru 2020 (PV(2020) 2351), ma jkunx iddelega dan il-kompitu.

(9)  Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għal Spanja huwa stabbilit għal 96,3 % mill-1 ta’ Lulju 2021. Dan il-koeffiċjent huwa suġġett għal reviżjoni annwali.

(10)  Tista’ ssib informazzjoni dwar kif toħloq is-CV tal-Europass tiegħek online fl-indirizz: https://europa.eu/europass/mt/create-europass-cv

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).