ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 275

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
18 ta' Lulju 2022


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-567 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Interactio, 23.2.2022–24.2.2022

2022/C 275/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-turiżmu u t-trasport/Segwitu (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2022/C 275/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

11

2022/C 275/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isfidi soċjali tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

18


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-567 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Interactio, 23.2.2022–24.2.2022

2022/C 275/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (COM(2021) 407 final — final 2021/230 (NLE))

24

2022/C 275/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Missjonijiet Ewropej(COM(2021) 609 final)

30

2022/C 275/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2001/20/KE u 2001/83/KE fir-rigward ta’ derogi minn ċerti obbligi li jikkonċernaw id-disponibbiltà ta’ ċerti prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta[COM(2021) 997 final — 2021/0431 (COD)]Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 536/2014 fir-rigward ta’ deroga minn ċerti obbligi li jikkonċernaw prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni magħmula disponibbli fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta[COM(2021) 998 final — 2021/0432 (COD)]

36

2022/C 275/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21(COM(2021) 251 final)

40

2022/C 275/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta' garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera [COM(2021) 581 final – 2021/0295 (COD)] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012 [COM(2021) 582 final – 2021/0296 (COD)]

45

2022/C 275/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022 [COM(2021) 740 final]

50

2022/C 275/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Introduzzjoni tal-HERA, l-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, il-pass li jmiss biex titlesta l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa(COM(2021) 576 final)

58

2022/C 275/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (riformulazzjoni) [COM(2021) 734 final — 2021/0375 (COD)] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku [COM(2021) 731 final — 2021/0381 (COD)]

66

2022/C 275/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien[COM(2021) 573 final]

73

2022/C 275/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ(COM(2021) 660 final)

80

2022/C 275/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010[COM(2021) 706 final — 2021/0366(COD)]

88

2022/C 275/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi ta’ skart u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056(COM(2021) 709 final — 2021/0367 (COD))

95

2022/C 275/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lesti għall-mira ta’ 55 %: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika [COM(2021) 550 final]

101

2022/C 275/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/118/KE u d-Direttiva (UE) 2020/262 (riformulazzjoni) fir-rigward tal-ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fit-terminal Franċiż tal-mina taħt il-Kanal Ingliż [COM(2021) 817 final — 2021/0418 (CNS)]

108

2022/C 275/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan l-Unjoni d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (kodifikazzjoni)(COM(2021) 769 final — 2021/0400 (COD))

109


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-567 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Interactio, 23.2.2022–24.2.2022

18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-turiżmu u t-trasport/Segwitu”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 275/01)

Relatur:

Panagiotis GKOFAS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

3.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/2/7

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ifaħħar l-isforzi konġunti straordinarji tal-istituzzjonijiet tal-UE fl-2021, bil-proposti ta’ politika u l-miżuri tagħhom immirati biex jgħinu lin-negozji jirkupraw u jiżguraw l-impjiegi fis-setturi Ewropej tat-turiżmu, tat-trasport u tal-ivvjaġġar, li huma l-ekosistemi li ġew l-aktar affettwati mill-pandemija tal-COVID-19 (1). Madankollu, l-impatt tal-pandemija u l-konsegwenzi għall-ekonomija u s-soċjetà għadhom mhumiex kompletament evidenti. Iridu jsiru sforzi sinifikanti biex jiġi żgurat li fix-xhur li ġejjin ikompli jittieħed approċċ ikkoordinat tal-UE, b’appoġġ ċar għall-SMEs f’termini ta’ kreditu u finanzjament, kif ukoll informazzjoni dwar it-tilqim, u miżuri ta’ sikurezza biex jiġu żgurati turiżmu, vjaġġar u trasport sikuri u jiġu restawrati gradwalment il-flussi turistiċi (bl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Indikaturi tat-Turiżmu (ETIS) u s-sikurezza għat-turiżmu (2)).

1.2.

It-turiżmu mhux se jirritorna għal-livell li kien qabel il-pandemija: l-interdipendenza globali, u t-tendenzi aktar ekoloġiċi u aktar diġitali fl-imġiba tal-konsumatur se jiddeterminaw mudelli ta’ negozju ġodda. Il-KESE jikkunsidra li l-miżuri fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil meħtieġa fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri/reġjonali huma:

1.2.1.

Fuq perjodu ta’ żmien qasir:

L-iżgurar li l-pjani ta’ rkupru tal-UE u tal-Istati Membri jikkunsidraw b’mod adatt is-settur tal-lukandi, tar-ristoranti u tal-forniment tal-ikel (is-settur tal-HORECA) u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) fl-oqsma kollha tat-turiżmu, speċjalment ir-ristoranti, sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tagħhom. Jeħtieġ li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jappoġġjaw bis-sħiħ il-miżuri urġenti ta’ appoġġ finanzjarju, l-inizjattivi ta’ finanzjament dirett u l-Qafas Temporanju għall-għajnuna mill-Istat lil hinn mill-2022.

Is-salvagwardja ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju għall-MSMEs, b’mod partikolari dawk fis-settur tal-HORECA, l-estensjoni tal-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali sakemm ikun meħtieġ u wara Diċembru 2022 u li ma jiġix issottovalutat l-impatt li l-kriżi attwali tal-persunal se jkollha fuq il-pass tal-irkupru.

L-estensjoni tal-programm SURE għall-2022 u li jiġu posposti l-obbligazzjonijiet tat-taxxa kollha dovuti lill-awtoritajiet, inklużi dawk iġġenerati matul il-pandemija, speċjalment għall-MSMEs fis-settur tal-HORECA.

L-istabbiliment ta’ baġit speċifiku għat-turiżmu fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u t-titjib tal-kundizzjonijiet u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għall-aċċess ta’ fondi fl-ambitu tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs): eż. id-diġitalizzazzjoni u t-trasformazzjoni tal-infrastruttura b’mod aktar sostenibbli, l-applikazzjoni tal-prinċipji “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u “ta’ darba biss”, l-inklużjoni fil-prattika tal-mikrointrapriżi bi proċeduri b’livell baxx ta’ burokrazija, u l-introduzzjoni ta’ sejħiet trasparenti għall-offerti għan-negozji tat-turiżmu u għall-awtoritajiet turistiċi lokali (3).

L-implimentazzjoni ta’ prerekwiżiti għall-integrazzjoni tal-MSMEs fil-qasam tat-turiżmu u tat-trasport fis-sistema bankarja u fis-settur finanzjarju permezz ta’ skemi ta’ garanzija tal-UE mill-UE u mill-BĊE.

It-titjib tal-koordinazzjoni fl-Ewropa, l-armonizzazzjoni aħjar tal-protokolli tas-saħħa u s-sikurezza (li jkunu favorevoli għall-SMEs), l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar għall-pubbliku u għan-negozji tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE, iż-żamma tal-fruntieri miftuħa, it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet għall-vjaġġaturi u ż-żieda fl-għadd ta’ strateġiji u pjani ta’ koordinazzjoni fost il-gvernijiet tal-UE u dawk nazzjonali, biex jerġgħu jiġu stabbiliti l-flussi tat-turiżmu internazzjonali u l-investimenti diretti barranin.

L-inkoraġġiment tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-imsieħba soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tal-korpi ta’ riċerka u akkademiċi kollha biex jikkontribwixxu ħalli l-2022 tkun is-“Sena tat-Turiżmu Sostenibbli” u għall-promozzjoni ta’ network ta’ wirjiet u fieri tal-UE dwar it-turiżmu u t-trasport sostenibbli fis-swieq internazzjonali.

L-introduzzjoni ta’ linja dwar it-“turiżmu” fil-proġetti kollha tat-TEN-T – il-kurituri Ewropej tat-trasport.

L-introduzzjoni ta’ sistema armonizzata ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għas-settur kollu tal-ospitalità u tat-turiżmu, li għandha tkun favur l-SMEs u bi proċeduri trasparenti, l-iffinanzjar ta’ għodod u proċeduri għall-aċċess (punt uniku ta’ servizz, għodod online, ġemellaġġi ma’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs) u linja baġitarja speċifika b’mod partikolari għall-MSMEs.

L-istabbilment ta’ ombudsman/awtorità responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru tal-UE, l-aċċess għal-likwidità, b’mod partikolari għan-negozji mikro u żgħar fis-settur tat-turiżmu u tat-trasport, u dmirijiet speċifiċi oħra. (4)

L-iżvilupp ta’ mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ tal-għoti ta’ appoġġ lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (2021-2027).

1.2.2.

Fuq perjodu ta’ żmien medju:

L-evitar tad-dejn eċċessiv u t-telf tal-affidabbiltà kreditizja tan-negozji (5).

L-awtorizzazzjoni ta’ task force biex tissorvelja l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri ta’ rkupru, b’mod partikolari dawk diretti lejn negozji mikro u żgħar fis-settur tat-turiżmu u tat-trasport.

Il-monitoraġġ tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri, u li tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ riformi relatati mat-turiżmu.

Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ tal-għoti ta’ appoġġ lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (2021-2027).

L-istabbiliment ta’ linja baġitarja speċifika tal-UE għat-turiżmu, li tirrifletti kemm l-importanza ta’ din l-ekosistema kif ukoll il-ħtiġijiet tagħha wara l-kriżi tal-COVID-19.

Il-ħolqien ta’ “Alleanza Ewropea għat-Turiżmu” b’saħħitha biex tiġbor l-inizjattivi u tottimizza l-finanzjament. Il-KESE għandu jkun involut b’mod sinifikanti f’din l-alleanza.

1.2.3.

Fuq perjodu ta’ żmien twil:

L-iżvilupp ta’ pjan strateġiku fit-tul għat-turiżmu tal-UE: l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn mudell ta’ negozju tat-turiżmu reżiljenti u aktar sostenibbli, eż. l-inklużjoni tal-SMEs fi sħubijiet pubbliċi/privati.

Il-prijoritizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv għall-SMEs fil-livell nazzjonali/reġjonali u t-tijib tal-programmi ta’ mobbiltà tal-apprendistati fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport, b’enfasi fuq il-ħiliet diġitali u ta’ sostenibbiltà (6), b’mod partikolari f’destinazzjonijiet ġodda u f’żoni remoti.

Il-formulazzjoni ta’ politiki tal-UE tal-ġenerazzjoni li jmiss fil-qasam tat-turiżmu u tat-trasport li jistgħu jiżguraw il-prevedibbiltà u jiġġeneraw fiduċja għal irkupru sostenibbli.

L-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ finanzjament għall-mikrointrapriżi, b’mod partikolari fis-settur tal-HORECA u n-negozji mmexxija min-nisa, l-indirizzar tal-isfidi kontemporanji (7), l-irkupru mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, u analiżi ta’ kif l-aħjar li jiġu appoġġjati dawn in-negozji, kif propost mill-Maestà Tagħha r-Reġina Máxima tan-Netherlands u mis-Sħubija Globali għall-Inklużjoni Finanzjarja (8).

1.3.

Il-KESE jikkunsidra li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjoni tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2020 dwar It-Turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (9) għadhom koerenti u rilevanti u li ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed mill-Kummissjoni Ewropea fil-pjani u l-konsultazzjonijiet tagħha.

1.4.

Il-KESE jistaqsi lill-istituzzjonijiet tal-UE/tal-Istati Membri/reġjonali, lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili usa’ jekk humiex impenjati li jniedu mill-ġdid l-investimenti fit-tul billi jieħdu approċċ komprensiv sabiex jappoġġjaw il-kostruzzjoni ta’ qafas tal-ekonomija blu u aġenda turistika konġunta għall-2030/2050, jidentifikaw perkorsi ta’ finanzjament xierqa u jestendu l-kreditu, peress li mhux se jkun hemm fluss ta’ flus għall-SMEs fil-qasam tat-turiżmu wara l-pandemija. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa impossibbli għall-SMEs li jinvestu fl-ekonomija blu sakemm jirkupraw u jkunu jistgħu jħallsu l-obbligazzjonijiet tagħhom.

1.5.

Huwa essenzjali li jiġu introdotti politiki ġodda, li jallokaw riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jiġi salvat is-settur, u li tiġi żviluppata politika Ewropea tat-turiżmu sostenibbli, intelliġenti u responsabbli fit-tul. Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm linja baġitarja speċifika tal-UE għat-turiżmu u li tiġi żgurata governanza xierqa sabiex jiġu implimentati azzjonijiet ta’ politika strateġika, inkluż il-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu biex jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin:

il-ħolqien ta’ żona Ewropea komuni tad-data biex tagħmel aktar data disponibbli għall-użu;

l-implimentazzjoni ta’ programm statistiku Ewropew li jiġbor il-metrika biex jiġu segwiti b’mod adatt il-politiki tat-turiżmu, u l-promozzjoni ta’ skambju tal-prattiki tajbin u l-kurrikuli tal-UE fil-qasam tat-turiżmu sostenibbli (eż. akkademja tat-turiżmu sostenibbli għall-SMEs tal-UE);

it-tnedija mill-ġdid tal-kollaborazzjoni internazzjonali tal-UE mal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU (UNWTO), mal-OECD u mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Turiżmu tal-G20, u li jinħolqu akkademja tat-turiżmu tal-UE speċifikament għall-SMEs u programmi ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ”, f’konformità mal-istandards tal-organizzazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

1.6.

Il-KESE huwa favur li jittieħed approċċ ta’ politika aktar komprensiv u li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli biex jiġi ssalvagwardjat il-futur tat-turiżmu u tat-trasport abbażi tat-tliet rekwiżiti u opportunitajiet ewlenin li ġejjin:

ir-restawr tal-fiduċja u l-possibbiltà ta’ rkupru biex jiġi ffaċilitat il-ftuħ mill-ġdid gradwali tal-ivvjaġġar u tal-konnettività komuni tat-trasport fi ħdan l-UE kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE;

it-tagħlim mill-esperjenza tal-pandemija u l-prattiki introdotti, l-adozzjoni ta’ sett speċifiku ta’ indikaturi (favur l-SMEs), u l-armonizzazzjoni tad-data kemm dwar l-impatt tal-pandemija fuq is-settur tat-turiżmu u tat-trasport kif ukoll dwar ix-xejriet relatati mal-pandemija f’dan is-settur fil-livell tal-UE, reġjonali u internazzjonali;

l-għoti ta’ prijorità lil aġenda ta’ żvilupp sostenibbli biex tiġi pprovduta gwida fit-tul għat-turiżmu futur tal-UE/internazzjonali.

1.7.

Il-KESE jipproponi t-twaqqif ta’ “Task Force dwar il-Likwidità u l-Investiment tan-Negozji Mikro u Żgħar” li tkun permanenti u magħmula minn esperti ta’ livell għoli tal-UE jew nazzjonali, u tinkludi l-ekosistemi tat-turiżmu u tat-trasport. L-għan tagħha jkun li tiffaċilita u tappoġġja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru u li taġixxi bħala mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-UE bid-data indipendenti u trasparenti meħtieġa dwar il-flussi ta’ likwidità tal-MSMEs u l-aċċess tagħhom għall-fondi.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-imsieħba soċjali tal-UE/nazzjonali biex iwettqu riforma ewlenija, jimplimentaw programmi konġunti ta’ kwalità u għodod ta’ politika aktar effettivi għall-protezzjoni ċivili (rescEU) u għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tal-kriżijiet u fil-prevenzjoni ta’ telf ekonomiku u mwiet ta’ nies (10).

1.9.

Il-KESE jemmen li, mingħajr il-fiduċja tal-konsumaturi, l-industrija tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar se tibqa’ lura fix-xejra ġenerali ta’ rkupru ekonomiku. Fattur ewlieni fil-kisba mill-ġdid ta’ din il-fiduċja huwa l-iżgurar ta’ protezzjoni b’saħħitha tad-drittijiet tal-konsumatur skont id-Direttiva dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (PTD) (11), li r-rieżami tagħha għandu jiffoka fuq it-tneħħija tad-dgħufijiet fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-vjaġġaturi, kif uriet il-pandemija.

1.10.

Minkejja l-liġijiet tal-ivvjaġġar tal-UE li jagħtu lill-vjaġġaturi d-dritt għal rifużjoni monetarja, bosta Stati Membri implimentaw miżuri nazzjonali ta’ emerġenza f’kontradizzjoni diretta ta’ dan id-dritt billi ġiegħlu lill-konsumaturi jaċċettaw vawċers u/jew billi estendew l-iskadenzi statutorji għar-rifużjonijiet. Huwa essenzjali li d-dritt tal-Unjoni jiġi kemm osservat kif ukoll infurzat. Il-pandemija, wara kważi sentejn, kellha effett finanzjarju dirett u diżastruż fuq in-negozji tat-turiżmu wkoll, b’mod partikolari l-MSMEs.

1.11.

Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà ta’ proposta biex id-Direttiva tiġi adattata b’tali mod li, f’sitwazzjonijiet futuri ta’ force majeure/att tan-natura bħall-pandemija, l-Istati Membri joħolqu fondi kollettivi ta’ garanzija sabiex jitqiesu aħjar l-interessi tas-sopravivenza tan-negozji tat-turiżmu u jiġi żgurat li l-konsumaturi jiġu kkumpensati b’mod adatt.

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1.

It-turiżmu tal-UE u dak globali mhux se jerġa’ lura għal-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija. L-impatt tal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha għas-soċjetajiet u l-ekonomija għadhom mhumiex kompletament evidenti. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, direttament jew indirettament it-turiżmu kien jammonta għal kważi 10 % tal-PDG tal-UE, ipprovda madwar 22,6 miljun impjieg u wassal biex l-UE ssir id-destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu fid-dinja, meta wieħed iqis li kien hemm 563 miljun wasla internazzjonali u li dan irrappreżenta 30 % tal-profitti globali fl-2018. Il-fatt li l-UE kellha 30 % tal-wasliet internazzjonali fl-2018 jagħmilha l-aktar destinazzjoni turistika popolari fid-dinja. Fl-2018, kien hemm aktar minn 600 000 stabbiliment turistiku fl-EU-27 u l-prenotazzjonijiet għall-akkomodazzjoni matul il-lejl ammontaw għal 1 326 049 994 lejl.

2.2.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea stima li l-industriji tat-turiżmu huma responsabbli għal aktar minn 6 % tal-impjieg totali tal-UE. Barra minn hekk, it-turiżmu jikkontribwixxi ħafna aktar għall-impjieg f’xi reġjuni u spiss huwa l-unika forma ta’ impjieg għal ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet. Pereżempju, fi Kreta (il-Greċja), fil-Kroazja Adrijatika (il-Kroazja), fil-Valle d’Aosta (l-Italja) u fil-Gżejjer Kanarji (Spanja), it-turiżmu jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-impjieg reġjonali totali.

2.3.

Wara diversi mewġiet ta’ wara l-pandemija fl-2020 u fl-2021, issa nistgħu naraw id-daqs tal-impatt tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u l-konsegwenzi soċjali devastanti fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport: nuqqas ta’ turiżmu internazzjonali, domanda insuffiċjenti u fraġli għal oġġetti/servizzi relatati mat-turiżmu (minħabba l-mudelli tal-konsum u l-bidliet fl-imġiba fit-turiżmu fiż-żminijiet tal-pandemija tal-COVID-19), għadd dejjem akbar ta’ fallimenti tan-negozju u dejn dejjem jikber (li mhuwiex limitat biss għall-kumpaniji tat-turiżmu), diffikultajiet fl-aċċess għal miżuri ta’ likwidità u risponsi mhux effettivi mill-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-hekk imsejħa miżuri ta’ ftuħ mill-ġdid intermittenti, l-użu ħażin ta’ miżuri restrittivi abbażi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-inkapaċità ta’ awtoritajiet indipendenti li jiggarantixxu drittijiet omoġeni tat-turisti/tal-vjaġġaturi u tan-negozju, il-kumplessità u spiss in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar is-sitwazzjoni attwali tas-saħħa u tas-sikurezza lokali għat-turisti, u l-proċeduri kumplessi ta’ burokrazija għall-mobbiltà fi ħdan il-fruntieri interni tal-UE wkoll mhumiex qed jgħinu biex tiġi rrestawrata l-mobbiltà transfruntiera u jiġi stimolat l-irkupru ekonomiku.

2.4.

Ta’ min isemmi li, skont ir-rapport reċenti tas-Servizz ta’ Riċerka Parlamentari Ewropew (EPRS) (12), l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq diversi destinazzjonijiet tat-turiżmu fl-Unjoni Ewropea huwa asimetriku u lokalizzat ħafna.

2.5.

Kif wieħed jista’ josserva mill-Illustrazzjonijiet 1 u 2 tar-rapport tal-EPRS, matul il-pandemija, il-kontribut tat-turiżmu għall-impjieg u l-PDG naqas b’mod konsiderevoli. Fl-Italja, pereżempju, il-kontribut tat-turiżmu għall-PDG naqas bin-nofs fl-2020 (meta mqabbel mal-2019), minn 13,1 % għal 7 %, u ntilfu 337 000 impjieg. Meta mqabbla mal-Istati Uniti, diversi Stati Membri tal-UE (eż. il-Ġermanja, l-Italja u Franza) raw telf akbar f’termini ta’ PDG iżda ġarrbu anqas f’termini ta’ impjiegi.

2.6.

Wieħed u għoxrin xahar wara li bdiet il-pandemija fl-Ewropa, it-turiżmu globali u l-ekosistemi tat-trasport għadhom qed jiffaċċjaw kriżi bla preċedent (13).

2.7.

Fl-UE, rajna wkoll xejriet “ġodda” tal-ivvjaġġar u tax-xiri fiż-żoni urbani, adattati għar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti mill-gvernijiet, bħal żieda fil-mixi, fiċ-ċikliżmu, fl-ivvjaġġar bil-karozzi u fix-xiri online, għad-detriment tal-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku. F’ħafna pajjiżi tal-UE, bħala riżultat tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19, b’mod partikolari l-anzjani ma setgħux jikkontribwixxu għad-domanda għat-turiżmu staġonali u t-trasport.

2.8.

L-ivvjaġġar bil-ferroviji, bil-bastimenti tal-kruċiera, bil-vapuri tal-passiġġieri u bl-ajruplan bata, f’konformità ma’ tnaqqis ta’ 70 % fid-domanda internazzjonali għat-turiżmu, li wassal għal telf ta’ dħul u ta’ impjiegi fiż-żewġ setturi u fis-setturi li jiddependu minnhom (eż. fis-setturi industrijali u tal-bejgħ bl-imnut). Għalkemm l-impatt fuq it-trasport tal-merkanzija s’issa kien żgħir, is-settur huwa mistenni li jiċkien fis-snin li ġejjin, speċjalment jekk l-ekonomija tkun f’reċessjoni. Għalhekk, dawn is-setturi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod adatt fil-pjani ta’ rkupru tal-UE u tal-Istati Membri.

2.9.

Flimkien ma’ dawn il-fenomeni, in-nirien reċenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-għargħar fit-Tramuntana tal-Ewropa wrew ukoll – lil hinn mit-telf traġiku ta’ ħajjiet u ekonomiku – kif il-politiki konvenzjonali u l-mekkaniżmu fraġli eżistenti tar-rescEU mhumiex qed jagħtu r-riżultati mistennija u wrew li mhumiex adatti għal mudelli ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul.

3.   Għal politiki tal-UE tal-ġenerazzjoni li jmiss fil-qasam tat-turiżmu u tat-trasport

3.1.

Huwa meħtieġ approċċ ġdid tal-ġenerazzjoni li jmiss, wieħed li huwa aktar armonizzat u bbażat fuq għażliet ta’ politika Ewropej u nazzjonali għar-reżiljenza għal perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil u l-irkupru sħiħ tat-turiżmu u t-trasport. Il-prinċipji komuni ewlenin għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ aġenda politika, soċjali u ekonomika ġdida tal-UE biex:

terġa’ tinkiseb il-fiduċja fl-ekosistemi tat-turiżmu u tat-trasport tal-UE (li huma magħmula prinċipalment minn MSMEs u persuni li jaħdmu għal rashom) fost il-ħaddiema, il-membri tal-pubbliku, it-turisti/il-vjaġġaturi, u l-investituri privati u pubbliċi tal-UE/globali;

jgħinu ħalli l-ekosistemi eżistenti tal-industrija tat-turiżmu u tat-trasport tal-UE jerġgħu jiġu kkunsidrati biex jiġu promossi r-reżiljenza u l-irkupru lejn “tranżizzjoni trippla” (tas-saħħa, diġitali, ekoloġika);

nerġgħu lura għal-livelli ta’ domanda ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19, u jiġu promossi investimenti ġodda li jkunu affordabbli għall-SMEs fi tkabbir sostenibbli u fit-tul fis-setturi lil hinn mill-2021-2027.

3.2.

Il-pakkett reċenti tal-Kummissjoni Ewropea “lesti għall-mira ta’ 55 %” jippermetti lill-UE tilħaq il-miri tal-kontinent għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-proposti li jsiru fil-pakkett jaffettwaw ukoll l-ekosistemi Ewropej tat-trasport u tat-turiżmu. Sakemm dawn il-miżuri ma jitfasslux fid-dawl tal-politika t-tajba, il-proposti mhux se jwasslu għal politiki tal-UE tal-ġenerazzjoni li jmiss fil-qasam tat-turiżmu u tat-trasport. Għall-kuntrarju, il-miżuri proposti jistgħu jwasslu għal żidiet sinifikanti fl-ispejjeż regolatorji għan-negozji tal-UE, kemm kbar kif ukoll żgħar, u jistgħu jagħmlu ħsara lill-kompetittività tagħhom fil-konfront tal-kumpaniji tat-trasport u tat-turiżmu ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jinsabu madwar il-fruntieri tal-UE, u b’hekk jipperikolaw l-impjiegi tal-UE f’dawn is-setturi. Ir-reġjuni tal-UE li jiddependu ħafna mit-turiżmu konsegwentement jintlaqtu b’mod partikolarment ħażin. Approċċ ġdid tal-ġenerazzjoni li jmiss għandu għalhekk jagħti attenzjoni lill-impatt tal-ispejjeż ta’ dan il-pakkett leġiżlattiv għall-ekosistemi Ewropej tat-trasport u tat-turiżmu u jiżgura li l-kompetittività (internazzjonali) tagħhom ma tintlaqatx ħażin. B’dan il-mod biss jistgħu jiġu salvagwardjati l-impjiegi u l-kompetittività Ewropej, tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jiġi ggarantit is-suċċess tal-approċċ il-ġdid tal-ġenerazzjoni li jmiss.

4.   Bidu tajjeb: għarfien ġdid tal-UE

4.1.

L-użu sħiħ tal-flessibbiltà tal-Qafas Temporanju għall-Għajnuna mill-Istat għandu jkun garantit sa tmiem l-2022 u l-programm importanti tal-qgħad (SURE) għandu jkun operattiv fl-istess perjodu. Madankollu, l-atturi soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs għandhom ikunu aktar involuti sabiex il-pakkett jissodisfa l-aspettattivi fir-rigward tal-impatt u l-effettività.

4.2.

Minkejja dan, l-iskemi ta’ likwidità, finanzjarji u ta’ rikapitalizzazzjoni disponibbli għan-negozji ż-żgħar u l-SMEs fis-settur tal-HORECA għad għandhom bżonn urġenti ta’ intervent ta’ politika li jestendi dawn il-miżuri u l-programmi sa tmiem l-2022-2023.

4.3.

Flimkien, il-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza sottomessi u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid (2021-2027) jirrikjedu sistema msaħħa u armonizzata ta’ metodoloġiji komuni u skambji ta’ prattiki ta’ politika (inkluż is-Semestru Ewropew) sabiex jiġu ggarantiti l-irkupru ekonomiku simetriku meħtieġ tal-UE, il-kompetizzjoni ġusta fost l-atturi pubbliċi u privati, b’mod partikolari r-ristoranti u l-SMES fis-settur tal-HORECA, fil-livell nazzjonali/reġjonali/lokali, il-konverġenza soċjali u l-inklużjoni.

4.4.

Il-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jiddeterminaw kif il-fondi se jiġu allokati u minfuqa sal-iskadenzi eżistenti. Skont il-pajjiż tal-UE, it-turiżmu huwa kopert jew minn miżuri speċifiċi għat-turiżmu li jimmodernizzaw is-settur jew minn miżuri orizzontali li huma rilevanti għas-setturi kollha. Għal dawn ir-raġunijiet, żviluppajna qafas fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju/twil b’erba’ pilastri ta’ politika ewlenin li fuqhom se nibbażaw il-konklużjoni u r-rakkomandazzjonijiet finali tagħna:

4.5.   PILASTRU I: Il-likwidità, l-irkupru tal-impjiegi u l-kisba mill-ġdid tal-fiduċja tan-negozji

4.5.1.

Peress li ma hemm l-ebda informazzjoni ċara u aġġornata dwar l-impatt mistenni tal-appoġġ finanzjarju allokat mill-programm ta’ rkupru tal-Kummissjoni Ewropea fl-ambitu tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) fuq l-MSMEs, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu u jipproponi:

it-twaqqif ta’ task force biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru, b’mod partikolari dawk diretti lejn negozji mikro u żgħar fis-settur tat-turiżmu u tat-trasport;

il-monitoraġġ tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri biex jiġi vvalutat jekk ġewx inklużi riformi relatati mat-turiżmu;

il-ħolqien ta’ mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ tal-għoti ta’ appoġġ lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (2021-2027);

l-istabbiliment ta’ linja baġitarja speċifika għat-turiżmu, li tirrifletti kemm l-importanza ta’ din l-ekosistema kif ukoll il-ħtiġijiet tagħha wara l-kriżi tal-COVID-19;

l-implimentazzjoni ta’ skemi tat-tieni opportunità u ta’ twissija bikrija għat-turiżmu u għan-negozji żgħar tat-trasport u programm ġdid ta’ solvenza faċli biex jintuża għall-SMEs;

dawn id-diversi inizjattivi u proposti għandhom jinġabru flimkien f’“Alleanza Ewropea għat-Turiżmu”, li tippermetti li l-problemi, is-soluzzjonijiet u l-finanzjament jiġu mmirati aħjar. Il-KESE ser jikkontribwixxi billi jkun involut fid-diskussjonijiet u l-ħidma ta’ din l-alleanza.

4.6.   PILASTRU II: Networks ta’ għarfien tad-data u tħejjija, saħħa u sikurezza, mitigazzjoni tar-riskju

4.6.1.

It-turiżmu għandu impatt fuq l-ekonomija, l-ambjent naturali u mibni, il-popolazzjoni lokali fil-postijiet miżjura u l-viżitaturi nfushom. Il-politiki biex it-turiżmu jsir aktar sostenibbli, u biex jilħaq il-potenzjal tiegħu li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, huma mxekkla minn nuqqas ta’ statistika dwar is-sostenibbiltà tat-turiżmu. Jekk is-sostenibbiltà fit-turiżmu hija prijorità, irridu nagħmlu wkoll il-kejl tagħha prijorità.

4.6.2.

L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO), f’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSD), qed tgħin lill-pajjiżi u lill-istituzzjonijiet ewlenin jiżviluppaw Qafas tal-Istatistika għall-Kejl tas-Sostenibbiltà tat-Turiżmu. L-aġenziji internazzjonali jissottolinjaw il-ħtieġa dejjem tikber li titkejjel is-sostenibbiltà tat-turiżmu fid-dimensjonijiet kollha tagħha – ekonomika, soċjali u ambjentali – u l-UE tista’ tikkontribwixxi bl-esperjenzi nazzjonali tagħha u tista’ tistabbilixxi standard armonizzat f’dan ir-rigward.

4.7.   PILASTRU III: Perkorsi ta’ tranżizzjoni fuq perjodu medju u twil ta’ żmien:

4.7.1.

L-istrateġija industrijali tal-UE jeħtieġ li tkompli taċċellera t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u żżid ir-reżiljenza tal-ekosistemi industrijali tal-UE, li komponent essenzjali tagħhom huwa l-MSMEs, b’mod partikolari fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport. Il-kokreazzjoni ta’ “perkorsi ta’ tranżizzjoni” għat-turiżmu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mal-imsieħba soċjali, mal-awtoritajiet pubbliċi u mar-regolaturi kollha għandha tkun akkumpanjata minn approċċ komprensiv, li huwa meħtieġ biex jitqabblu xenarji sostenibbli u jiġu kkunsidrati mill-ġdid is-soluzzjonijiet tal-politika tat-turiżmu, tat-trasport u tas-settur tal-HOERCA fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali.

4.8.

PILASTRU IV: Il-governanza u r-riżorsi: ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil- ġenerazzjoni li jmiss ta’ politiki tat-turiżmu u tat-trasport sostenibbli (Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza).

4.9.

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet seba’ inizjattivi ewlenin, li għalihom tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jressqu investimenti u riformi. Bosta minn dawn l-inizjattivi ewlenin, bħal dawk elenkati hawn taħt, jistgħu jwasslu għal investimenti fit-turiżmu:

ir-rinnovazzjoni: ir-rinnovazzjoni tal-infrastruttura tat-turiżmu biex tittejjeb il-prestazzjoni enerġetika tagħha (bini b’użu ta’ kważi żero enerġija), l-aċċessibbiltà u l-ġestjoni tar-riżorsi, u jiġu żviluppati mudelli ta’ negozju ċirkolari (eż. għall-ġestjoni tal-ikel u tal-iskart) u investimenti diretti sostenibbli barranin/tal-UE;

it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet: l-għoti ta’ taħriġ lill-intraprendituri fil-qasam tat-turiżmu, b’mod partikolari lill-MSMEs, lill-ħaddiema u lill-maniġers tad-destinazzjonijiet, b’appoġġ għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali;

il-modernizzazzjoni: l-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-politika tat-turiżmu u l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tad-data bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-maniġers tad-destinazzjonijiet u n-negozji;

l-iċċarġjar mill-ġdid u r-riforniment: l-investiment f’mobbiltà nadifa u t-titjib tal-konnettività għad-destinazzjonijiet turistiċi, speċjalment il-hotspots tat-turiżmu (eż. it-trasport fuq l-ilma, ix-xarabanks, it-trasport pubbliku);

l-introduzzjoni ta’ linja dwar it-“turiżmu” fil-proġetti kollha tat-TEN-T (il-kurituri Ewropej tat-trasport) se tippermetti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tagħha.

4.10.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE se jkollhom bżonn qafas ta’ sħubija b’saħħtu mal-imsieħba Ewropej/nazzjonali/reġjonali u soċjali (djalogu soċjali). L-organizzazzjonijiet tal-UE/nazzjonali u tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra se jintalbu jaqdu rwol proattiv u b’valur miżjud fil-livelli kollha (lil hinn milli jkunu involuti bis-sħiħ fis-Semestru Ewropew, fis-sorveljanza tas-suq, eċċ.), b’xi objettivi komuni fit-tul, bi skadenzi komuni u b’konverġenza ekonomika ġdida li tiżgura l-inklużjoni soċjali. Hemm ħtieġa urġenti li jkun hemm pjanar bil-quddiem u tittieħed azzjoni permezz ta’ evalwazzjoni mill-ġdid bir-reqqa, aġenda politika konġunta konkreta u impenji nazzjonali sabiex jiġi żviluppat mudell ta’ negozju aktar sostenibbli, attraenti u interkonness fil-qasam tat-turiżmu u tat-trasport li se jkun adatt għad-domanda globali ġdida tas-suq u għal stili ta’ ħajja mibdula.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li jmiss COM(2020) 456 final, appoġġ għall-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027, u pakkett ta’ miżuri tas-saħħa u s-sikurezza bħall-politika tat-tilqim, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-istandard minimu tas-Siġill tas-Sikurezza Ewropew kontra l-COVID-19 għat-Turiżmu u oħrajn.

(2)  https://s3platform.jrc.ec.europa.eu/digitalisation-and-safety-for-tourism?p_l_back_url=%2Fsearch%3Fq%3Dtourism.

(3)  L-oqsma ewlenin ta’ interess fit-“tranżizzjoni tat-turiżmu” għall-organizzazzjonijiet tal-MSMEs u għall-partijiet ikkonċernati f’sens usa’ huma: turiżmu aktar ekoloġiku (turiżmu ċirkolari, turiżmu aċċessibbli għal kulħadd, mobbiltà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, għarfien dwar is-sostenibbiltà, konsum sostenibbli), id-diġitalizzazzjoni (il-ġestjoni tal-analitika tad-data u tal-esperjenzi f’ħin reali, turiżmu diġitali tul is-sena kollha u esperjenzi virtwali, destinazzjonijiet b’setgħa teknoloġika, it-trasformazzjoni tal-ħolqien konġunt tal-valur, l-awtonomizzazzjoni diġitali u l-għarfien tal-fornituri u tal-konsumaturi tat-turiżmu) u r-reżiljenza (il-kapaċità adattiva tad-dinja li qed tinbidel tat-turiżmu, it-titjib tal-ħiliet u s-salvagwardja ta’ xogħol ta’ kwalità għolja fit-turiżmu, il-governanza tad-destinazzjoni biex jiġu appoġġjati l-benesseri għal kulħadd, l-appoġġ għall-ekwità, l-aċċessibbiltà u l-impatt soċjali tat-turiżmu fuq it-tibdil fil-klima, it-tixjiħ u d-distakk diġitali).

(4)  Dmirijiet oħra li għandhom jitwettqu mill-ombudsman/awtorità: il-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom biex jiġi vvalutat jekk ir-riformi relatati mat-turiżmu ġewx implimentati b’mod koerenti; il-monitoraġġ tat-“tieni opportunità” u ta’ “skemi ta’ twissija bikrija” għan-negozji tat-turiżmu u n-negozji żgħar tat-trasport u programm ġdid ta’ solvenza faċli biex jintuża għall-SMEs; u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal linja baġitarja speċifika għat-turiżmu, li jirriflettu kemm l-importanza ta’ din l-ekosistema kif ukoll il-ħtiġijiet tagħha wara l-kriżi tal-COVID-19.

(5)  Azzjonijiet: ir-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet, it-tisħiħ tal-aggregazzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-kapaċitajiet tar-raggruppamenti, il-promozzjoni tal-kapital ta’ ekwità u l-għoti ta’ inċentivi fiskali għall-investituri privati, u l-appoġġ ta’ mekkaniżmi ta’ twissija bikrija għan-negozji żgħar f’riskju ta’ insolvenza.

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(7)  Il-Maestà Tagħha r-Reġina Máxima, fil-kapaċità tagħha bħala l-Avukat Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Finanzi Inklużivi għall-Iżvilupp (UNSGSA), għamlet diskors fis-Summit tal-G20 f’Ruma fil-31 ta’ Ottubru 2021, www.unsgsa.org.

(8)  Is-Sħubija Globali għall-Inklużjoni Finanzjarja hija pjattaforma inklużiva għall-pajjiżi kollha tal-G20.

(9)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 219.

(10)  Qafas ta’ Sendai tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030; network ta’ għarfien dwar l-SMEs u ċentri ta’ dimostrazzjoni ta’ tħejjija, https://www.europeansmeacademy.eu/news/improving-preparednes-response-to-eu-natural-and-man-made-disasters/ (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (ĠU L 326, 11.12.2010, p. 1).

(12)  Think Tank tal-Parlament Ewropew, Relaunching transport and tourism in the EU after COVID-19, Frar 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Dan affettwa bl-aktar mod gravi lin-negozji ż-żgħar u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-ktajjen tal-valur u tal-provvista rispettivi, kif ukoll lill-ħaddiema u lis-soċjetajiet u l-kapaċitajiet ta’ reżiljenza tagħhom.


ANNESS

It-testi li ġejjin mill-Opinjoni tas-Sezzjoni ġew adottati u l-emendi ġew rifjutati mill-Assemblea, iżda ġabu mill-inqas kwart tal-voti:

EMENDA 3

INT/949

It-turiżmu u t-trasport/Segwitu

Punt 2.1

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-Sezzjoni

Emenda

2.1

It-turiżmu tal-UE u dak globali mhux se jerġa’ lura għal-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija. L-impatt tal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha għas-soċjetajiet u l-ekonomija għadhom mhumiex kompletament evidenti. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, direttament jew indirettament it-turiżmu kien jammonta għal kważi 10 % tal-PDG tal-UE, ipprovda madwar 22,6 miljun impjieg u wassal biex l-UE ssir id-destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu fid-dinja, meta wieħed iqis li kien hemm 563 miljun wasla internazzjonali u li dan irrappreżenta 30 % tal-profitti globali fl-2018. Il-fatt li l-UE kellha 30 % tal-wasliet internazzjonali fl-2018 jagħmilha l-aktar destinazzjoni turistika popolari fid-dinja. Fl-2018, kien hemm aktar minn 600 000 stabbiliment turistiku fl-EU-27 u l-prenotazzjonijiet għall-akkomodazzjoni matul il-lejl ammontaw għal 1 326 049 994 lejl.

2.1

It-turiżmu tal-UE u dak globali mhux se jerġa’ lura immedjatament għal-livell tiegħu ta’ qabel il-pandemija. L-impatt tal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha għas-soċjetajiet u l-ekonomija għadhom mhumiex kompletament evidenti. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, direttament jew indirettament it-turiżmu kien jammonta għal kważi 10 % tal-PDG tal-UE, ipprovda madwar 22,6 miljun impjieg u wassal biex l-UE ssir id-destinazzjoni ewlenija tat-turiżmu fid-dinja, meta wieħed iqis li kien hemm 563 miljun wasla internazzjonali u li dan irrappreżenta 30 % tal-profitti globali fl-2018. Il-fatt li l-UE kellha 30 % tal-wasliet internazzjonali fl-2018 jagħmilha l-aktar destinazzjoni turistika popolari fid-dinja. Fl-2018, kien hemm aktar minn 600 000 stabbiliment turistiku fl-EU-27 u l-prenotazzjonijiet għall-akkomodazzjoni matul il-lejl ammontaw għal 1 326 049 994 lejl.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

72

Kontra:

84

Astensjonijiet:

21

EMENDA 1

INT/949

It-turiżmu u t-trasport/Segwitu

Punt 1.2

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-Sezzjoni

Emenda

It-turiżmu mhux se jirritorna għal-livell li kien qabel il-pandemija: l-interdipendenza globali, u t-tendenzi aktar ekoloġiċi u aktar diġitali fl-imġiba tal-konsumatur se jiddeterminaw mudelli ta’ negozju ġodda. Il-KESE jikkunsidra li l-miżuri fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil meħtieġa fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri/reġjonali huma:

Minkejja l-prospetti pożittivi, it-turiżmu mhuwiex mistenni li jirritorna għal-livell li kien qabel il-pandemija: l-interdipendenza globali, u t-tendenzi aktar ekoloġiċi u aktar diġitali fl-imġiba tal-konsumatur se jiddeterminaw mudelli ta’ negozju ġodda. Il-KESE jikkunsidra li l-miżuri fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil meħtieġa fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri/reġjonali huma:

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

77

Kontra:

91

Astensjonijiet:

20


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-UE, u l-futur tad-demokrazija”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 275/02)

Relatur:

José Antonio MORENO DÍAZ

Relatur:

Cristian PÎRVULESCU

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/7/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-mod kif il-COVID-19 qed tħalli impatt fuq il-ħajja, is-sikurezza, il-benesseri u d-dinjità tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE. Huwa wkoll imħasseb ħafna dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-individwi u l-komunitajiet madwar id-dinja, speċjalment fil-pajjiżi li m’għandhomx l-infrastruttura tas-saħħa, soċjali u edukattiva adegwata biex jindirizzaw il-pandemija.

1.2.

Ir-rispons tal-UE u tal-Istati Membri jrid jindirizza l-vulnerabbiltajiet sistemiċi tal-infrastruttura tas-saħħa tal-Ewropa fid-dawl taż-żieda fil-mobbiltà u l-probabbiltà akbar ta’ mard żoonotiku perikoluż. Barra minn hekk, l-isforzi biex tiġi miġġielda l-pandemija għandhom jimxu id f’id mat-twaqqif ta’ sistema ta’ appoġġ soċjali u ekonomiku adegwata biex jittaffew l-effetti ta’ tfixkil tagħha.

1.3.

Kif diġà qal il-KESE qabel, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq valuri komuni Ewropej li m’għandhom qatt ikunu negozjabbli: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt (1). Dawn il-valuri ma jistgħux jintesew anke meta l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffaċċjaw emerġenza u l-konsegwenzi tagħha f’termini ta’ sfidi ekonomiċi, soċjali u edukattivi. Filwaqt li r-rispons għall-kriżi attwali jeħtieġ li jkun rapidu u jiġġustifika ċerti miżuri ta’ eċċezzjoni u għal żmien limitat, dawn ma jistgħux imorru kontra l-istat tad-dritt u ma jistgħux jipperikolaw id-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat u d-drittijiet fundamentali tal-abitanti Ewropej (2).

1.4.

L-UE għandha tallinja l-politiki, l-istrateġiji u l-programmi tagħha biex issegwi rkupru ġust u komprensiv mill-kriżi, bil-ħsieb li tikseb konverġenza ’l fuq fl-istandards mediċi, soċjali, ekonomiċi u demokratiċi. Fil-kuntest tal-isforzi li saru permezz tal-istrument NextGenerationEU biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus, il-KESE jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li joħloq għodda ġdida li tippermetti t-teħid ta’ miżuri korrettivi ekonomiċi fil-konfront tal-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 (3). Barra minn hekk, neħtieġu kunċett usa’ tal-istat tad-dritt li jiġbor fih il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-demokrazija pluralista. L-istat tad-dritt qiegħed f’relazzjoni triangolari, inseparabbli u interdipendenti mad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija.

1.5.

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jużaw l-istituzzjonijiet eżistenti tad-djalogu soċjali u ċivili biex jinvolvu bis-sħiħ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali fil-ħolqien ta’ spazju demokratiku pluralistiku li fih huma milqugħa viżjonijiet u kritiki differenti, b’salvagwardji biex tiġi limitata l-proliferazzjoni tal-aħbarijiet foloz kif ukoll ta’ diskors estremist mhux ġustifikat u mhux ġustifikabbli kontra d-drittijiet tal-bniedem, ibbażat fuq teoriji ta’ komplotti.

1.6.

Il-gvernijiet għandhom jidentifikaw b’mod ċar il-bażi ġuridika għall-miżuri tagħhom. Kwalunkwe riforma tal-liġijiet eżistenti dwar l-emerġenza tas-saħħa u regoli relatati jew l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda, inkluż fit-tħejjija għal pandemiji futuri, għandha tistabbilixxi limiti u kundizzjonijiet espliċiti u tipprevedi b’mod espliċitu l-iskrutinju parlamentari u r-rieżami ġudizzjarju tal-proporzjonalità tal-miżuri u l-konformità tagħhom mal-istandards domestiċi u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

1.7.

Ir-regoli u l-politiki relatati mal-COVID-19 għandhom ikunu ċari, koerenti u konsistenti sa fejn ikun possibbli, bil-provvediment ta’ informazzjoni dwarhom mogħtija fil-ħin; l-involviment u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati regoli u politiki; u l-inklużjoni ta’ raġunament ibbażat fuq l-evidenza. Dan il-prinċipju ta’ ċarezza għandu jiggwida wkoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmi prevedibbli — li jinvolvu s-salvagwardji sostantivi u proċedurali demokratiċi kollha meħtieġa — sabiex ikunu lesti li jirrispondu b’mod ordnat għal pandemiji, kriżijiet tas-saħħa jew diżastri naturali potenzjali futuri. Ir-regoli, il-politiki u kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata magħhom għandhom ikunu aċċessibbli għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà, inklużi l-gruppi ta’ lingwa minoritarja. Fejn ikun meħtieġ li jsir tibdil fil-politika, dawn il-bidliet għandhom jitħabbru biżżejjed minn qabel permezz ta’ varjetà ta’ mezzi uffiċjali u pubbliċi, biex in-nies jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju u jadattaw l-imġiba tagħhom b’mod adegwat.

1.8.

Għandu jkun meħtieġ rappurtar regolari lill-Parlament mill-Ministri tal-gvern inkarigati bl-introduzzjoni ta’ miżuri relatati mal-pandemija. Il-parlamenti tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kumitati, kummissjonijiet jew gruppi biex jiskrutinizzaw il-miżuri tal-COVID-19 u jipprovdu rapporti regolari lill-parlamenti u lill-assemblej rappreżentattivi lokali u reġjonali. Id-dibattitu parlamentari dwar dawn ir-rapporti u t-tweġibiet mill-gvern ukoll għandhom ikunu rekwiżit biex tiġi żgurata s-sorveljanza tal-azzjoni tal-gvern. L-Istati għandhom jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja billi jiggarantixxu ġudikatura indipendenti u jippermettu x-xogħol online u mill-bogħod għall-qrati flimkien mal-għoti ta’ appoġġ għal dawk vulnerabbli fost il-partijiet fil-kawża, ix-xhieda jew dawk soġġetti għal proċedimenti kriminali jew ċivili.

1.9.

Id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-demokrazija huma stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-impenji tad-dritt internazzjonali li saru fuq bażi sovrana mill-Istati Membri kollha tal-UE. Skont id-dritt internazzjonali, kull Stat għandu l-obbligu li jirrispetta, jipproteġi u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem. Dawn il-valuri huma l-pedament, huma interdipendenti u jsaħħu lil xulxin reċiprokament. Dawn huma kwistjonijiet ta’ obbligi internazzjonali, mhux ta’ ideoloġija. Għalhekk, filwaqt li d-dibattiti dwar il-proċeduri għall-aħjar implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma eżerċizzju razzjonali, il-prinċipju tar-rispett tagħhom ma għandux ikun is-suġġett ta’ dibattitu politiku. Bl-istess mod, ir-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa pubblika huwa obbligu għall-awtoritajiet. L-awtoritajiet iridu jiżguraw li t-tweġibiet li joffru jkunu soġġetti għal dibattitu demokratiku adatt, għal konsultazzjoni pubblika u sorveljanza parlamentari, li tinkludi wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-aħbarijiet foloz, inkluż fejn dan jirriżulta mill-intenzjoni li jiddgħajjef għadu politiku, li jista’ jservi biex idgħajjef ir-rispons effettiv għall-emerġenza tal-pandemija.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li minkejja l-aħjar intenzjonijiet wara l-istrument NextGenerationEU u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, u minkejja li l-Kummissjoni Ewropea hija miftuħa għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-imsieħba soċjali u tal-partijiet ikkonċernati, il-livell ta’ parteċipazzjoni reali għadu fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti u l-proċessi ma ppermettewx li l-fehmiet tal-OSĊ ikollhom biżżejjed impatt (4). Ir-riskju huwa li, anki jekk jiġi implimentat b’suċċess, il-pjan se javvanza t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u b’hekk jagħti spinta lit-tkabbir fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul, iżda mhux se jtejjeb is-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha n-nies illum, li qed jiffaċċjaw il-qgħad, telf ta’ introjtu, u kundizzjonijiet tas-saħħa, tal-għajxien u tax-xogħol li qed jiddeterjoraw, u inugwaljanza li qed tiżdied. Il-Pjani għar-Reżiljenza għandhom jiġu soġġetti minnufih għal valutazzjonijiet tal-impatt distribuzzjonali u r-riżultati għandhom jiġu diskussi mal-OSĊ, mal-imsieħba soċjali u mal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali u tal-UE.

1.11.

Il-KESE jenfasizza r-rabta bejn il-ħarsien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Kif diġà ntqal qabel, il-benesseri u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini għandhom jiġu żviluppati fuq mudell soċjali komuni u konsistenti, li jkun flessibbli biżżejjed biex jakkomoda tradizzjonijiet u esperjenzi nazzjonali differenti, f’konformità mal-valuri, il-prinċipji u l-għanijiet tat-Trattat, u mal-Pilastru u l-kunsens imġedded, u li jħares ’il quddiem, tiegħu (5). Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jqis l-effetti ta’ tfixkil estensivi tal-pandemija.

1.12.

Il-pandemija hija kriżi globali li ċertament se jkollha konsegwenzi dejjiema iżda inugwali fuq diversi persuni fil-marġini tal-popolazzjoni. L-appoġġ għall-popolazzjonijiet vulnerabbli għandu jkun prijorità, f’konformità mal-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema vulnerabbli u l-issodisfar tal-prinċipju 14 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar l-introjtu minimu. L-appoġġ għan-negozji affettwati mill-pandemija għandu jissaħħaħ ukoll, speċjalment għal dawk li kienu affettwati b’mod sproporzjonat u dawk li qed isibu diffikultajiet biex jibqgħu joperaw, pereżempju l-SMEs. Jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll l-effetti fuq l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, milquta b’mod sever mill-kriżi (6).

1.13.

Il-KESE jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għandu jinkludi inizjattiva fuq skala kbira biex titrawwem l-edukazzjoni dwar id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li hija strumentali biex jiġu ssalvagwardjati l-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva. L-inizjattiva għandha tkun inklużiva u tiġi indirizzata liċ-ċittadini kollha, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

2.   L-istat tad-dritt

2.1.

Hemm kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ kwalunkwe azzjoni mill-Istat mal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u huwa essenzjali li dawn il-prinċipji jiġu rispettati fi żminijiet ordinarji, u iktar u iktar waqt emerġenzi. Dawn il-kriterji huma l-legalità, iċ-ċertezza legali, il-projbizzjoni tal-użu arbitrarju tas-setgħat eżekuttivi, u l-obbligu ta’ rendikont tal-gvernijiet lejn il-liġi li huwa ggarantit mill-kontroll ġudizzjarju u parlamentari (7). L-użu tas-setgħat ta’ emerġenza jrid ikun meħtieġ, proporzjonat u temporanju, u dejjem irid ikun soġġett mhux biss għal-limiti tal-liġi kostituzzjonali tal-pajjiż, iżda wkoll għall-istandards stabbiliti mid-dritt Ewropew u internazzjonali.

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 ippreżentat sfidi kumplessi għas-sistemi legali, politiċi, soċjali, tas-saħħa u edukattivi tal-Istati Membri kollha. F’ambjent tant diffiċli, forsi tidher li hija impossibbli li tinkiseb iż-żamma ta’ grad għoli ta’ konformità mal-istat tad-dritt. Madankollu, l-evidenza li qed titfaċċa fl-Ewropa u lil hinn minnha tindika li dawk l-istati li żammew proċess ta’ politika u leġiżlattiv li jirrispetta l-istat tad-dritt ikkorrelataw ma’ ġestjoni aktar pożittiva tal-emerġenza tas-saħħa b’rati aktar baxxi ta’ mortalità u ta’ infezzjoni, iżda wkoll b’livelli għoljin ta’ fiduċja pubblika fil-gvern, li huma essenzjali biex ikun hemm ir-rispons l-aktar effettiv għall-kriżi (8). Il-prinċipji tal-istat tad-dritt jenħtieġ li jiggwidaw lil kwalunkwe gvern demokratiku biex jirreaġixxi b’mod leġittimu u effettiv għall-kriżi tas-saħħa attwali u possibbilment għal oħrajn simili fil-futur.

2.3.

Fir-rigward tar-reazzjonijiet għall-pandemija mill-Istati Membri, immaterjalizza tħassib fir-rigward ta’ tliet prinċipji ewlenin fil-qalba tal-istat tad-dritt: (1) il-prinċipju tal-legalità; (2) il-prinċipju taċ-ċertezza legali; u (3) il-prinċipju tal-obbligu ta’ rendikont quddiem il-liġi (9).

2.4.

F’termini tal-legalità, ġew identifikati għadd ta’ problemi bir-reazzjonijiet governattivi, fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, inklużi: azzjoni mwettqa mingħajr bażi ġuridika jew awtorizzazzjoni leġiżlattiva; l-istabbiliment u/jew l-estensjoni ta’ “stat ta’ emerġenza” bi ksur apparenti tal-oqfsa kostituzzjonali nazzjonali; l-użu ta’ bażijiet ġuridiċi mill-eżekuttiv b’mod li ma kinux maħsuba li jintużaw; u restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali adottati bi ksur apparenti tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali jew internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

2.5.

F’termini taċ-ċertezza legali, il-miżuri nazzjonali li huma problematiċi f’dan ir-rigward jinkludu l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi b’interpretazzjoni mhux ċara; kontradizzjonijiet bejn il-politika tal-gvern u l-miżuri legali sottostanti; u bidliet tant frekwenti fil-liġi li jagħmluha eċċezzjonalment diffiċli għaċ-ċittadini ordinarji li jifhmu x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu. F’sitwazzjoni ta’ emerġenza, ir-riskju u l-inċertezza jiżdiedu, u l-pubbliku jdur lejn il-gvern — u l-awtoritajiet pubbliċi b’mod aktar ġenerali — għal gwida ċara dwar x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu legalment.

2.6.

Fir-rigward tal-obbligu ta’ rendikont lejn il-liġi, il-problemi bis-sorveljanza parlamentari u ġudizzjarja tal-azzjoni tal-gvern relatata mal-COVID-19 jistgħu jitqiesu fl-emarġinazzjoni tal-parlamenti. Qabel Frar 2021, inqas minn nofs l-Istati Membri tal-UE kienu stabbilixxew kumitati parlamentari speċjalizzati, ippubblikaw rapporti jew skedaw dibattiti regolari dwar miżuri relatati mal-COVID-19, u l-miżuri tal-gvern ġew skrutinizzati (eż. permezz ta’ dibattitu jew votazzjoni fil-Parlament) jew emendati mill-parlamenti f’inqas minn terz tal-każijiet (10). Ir-rieżami ġudizzjarju huwa l-proċess li bih il-qrati jiżguraw li l-gvernijiet jaġixxu b’mod legali, u huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta’ kriżi, meta d-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti b’mod sever. Tqajjem ammont ta’ tħassib madwar l-UE dwar l-effettività tar-rieżami ġudizzjarju u l-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tal-miżuri tal-COVID-19 (11). L-għeluq tal-qrati, jew ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-qrati għal ċerti tipi ta’ proċedimenti biss affettwaw b’mod negattiv il-kapaċità taċ-ċittadini li jsolvu t-tilwim tagħhom, u dgħajjef l-aċċess għall-ġustizzja b’mod partikolari fejn l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà ġew affettwati b’mod sproporzjonat mill-miżuri introdotti b’reazzjoni għall-pandemija. Is-sistemi ġudizzjarji fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma kinux ippreparati tajjeb għall-kriżi minħabba l-livell baxx ta’ diġitalizzazzjoni tagħhom u minħabba li xi partijiet tas-soċjetà, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli, ma kellhomx biżżejjed informazzjoni dwar kif taħdem il-ġudikatura, u b’hekk ma kellhomx aċċess għaliha.

2.7.

Fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiġi konkluż li l-istat tad-dritt jista’ jiggwida l-aktar azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika (12), u huwa valur essenzjali, mhux biss fi żminijiet ordinarji, iżda wkoll, u forsi saħansitra aktar, fi żminijiet ta’ kriżi. Fil-kuntest tal-isforzi li saru permezz tal-istrument NextGenerationEU biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata li ġabet magħha l-pandemija tal-coronavirus, il-KESE jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li joħloq għodda ġdida li tippermetti t-teħid ta’ miżuri korrettivi ekonomiċi fil-konfront tal-Istati Membri li jwettqu ksur serju u persistenti tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 (13).

3.   Id-drittijiet fundamentali

3.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet pressjoni kbira fuq l-istituzzjonijiet u l-infrastrutturi kollha li jappoġġjaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali fl-UE. Is-servizzi mediċi li qed jiddeterjoraw malajr u l-kriżi soċjoekonomika fuq skala kbira heddu l-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tal-maġġoranza tan-nies fil-kontinent, u żiedu r-riskji tal-faqar. Dan laqat b’mod speċjali gruppi speċifiċi affettwati minn tfixkil konkret u kontinwu tas-servizzi soċjali li rriżulta min-nuqqas ta’ finanzjament fit-tul tagħhom u n-nuqqas ta’ tħejjija tas-sistema biex tiffaċċja l-kriżijiet. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni s-sejħa tiegħu għal qafas Ewropew vinkolanti għal introjtu minimu deċenti fl-Ewropa (14).

3.2.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipparteċipaw f’riflessjoni profonda tas-soċjetà dwar l-oriġini tal-kriżi u r-raġunijiet għaliex il-biċċa l-kbira tas-sistemi tas-saħħa Ewropej ġew imbuttati kważi lejn kollass totali minħabba l-pandemija. Snin ta’ politiki ta’ awsterità wasslu għal xejra ġenerali ta’ diżinvestiment fis-settur tas-saħħa u servizzi soċjali ewlenin oħra (għajnuna għall-persuni dipendenti u vulnerabbli, id-djar tal-kura, eċċ.), u ħolqu bużżieqa li kienet biss kwistjoni ta’ meta se tinfaqa’, li ġrat quddiem din l-isfida kbira għas-saħħa. Hekk kif tinsab għaddejja l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kull min huwa involut għandu jiġi mħeġġeġ jislet tagħlimiet minn din il-kriżi sabiex tiġi mwittija t-triq għall-bini mill-ġdid tal-istat soċjali. Ir-reżiljenza hija kelma fiergħa jekk ma jsirux l-isforzi kollha biex jinbena mudell soċjetali Ewropew riġenerat li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru. L-UE għandha tkun ippreparata għal kriżijiet futuri f’termini ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, proċeduri trasparenti, politiki u riżorsi finanzjarji.

3.3.

Il-protezzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet mhedda mill-iżvilupp tal-kriżi u mir-reazzjonijiet ta’ politika, speċjalment dawk relatati mal-għoti tal-kura tas-saħħa, in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u sigurtà soċjali u assistenza soċjali. Sfortunatament, fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nisa ma kinux irrappreżentati biżżejjed fl-istrutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ad hoc stabbiliti biex jindirizzaw il-COVID-19 u f’ħafna valutazzjonijiet tal-impatt kien hemm nuqqas ta’ perspettiva speċifika fuq il-ġeneru. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu l-impatt sproporzjonat tal-pandemija u tal-miżuri relatati f’termini tal-ġeneru.

3.4.

Id-drittijiet tat-tfal, speċjalment dawk relatati mal-aċċess għall-edukazzjoni u l-appoġġ soċjali, huma ta’ tħassib kbir għall-Kumitat. Kif diġà ġie propost mill-KESE, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-impatt tal-COVID-19 fuq id-drittijiet, il-benesseri u l-iżvilupp intellettwali u emozzjonali tat-tfal (15).

3.5.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar L-Istrateġija l-Ġdida għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-Kummissjoni għandha tiffoka r-rapport tal-2022 fuq l-effetti tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali, speċjalment dawk relatati mal-benesseri soċjoekonomiku (16).

3.6.

L-UE għandha responsabbiltà kbira li tippromovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, il-KESE jemmen ukoll li l-UE tista’ tagħmel aktar biex tgħin lid-dinja tindirizza l-pandemija tal-COVID-19. Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-isforzi tal-UE fir-rispons ta’ emerġenza għall-ħtiġijiet umanitarji, it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, tal-ilma u tas-sanità u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija.

3.7.

Fuq medda qasira ta’ żmien, għandhom jiġu allokati aktar riżorsi biex jiġi żgurat aċċess mifrux u ġust għall-vaċċini. Il-100 miljun vaċċin imwiegħda mill-UE bl-ebda mod ma huma biżżejjed għall-ħtiġijiet urġenti fil-biċċa l-kbira tad-dinja (17). Bħala l-esportatriċi ewlenija tal-vaċċini fid-dinja, l-UE trid tkun lesta li tibdel l-approċċ tagħha. Il-vaċċini jridu jiġu prodotti fuq skala akbar u f’numri ogħla bil-għan li l-pajjiżi mhux tal-UE jkunu jistgħu jiksbu livelli ta’ tilqim sikuri. Bħala parti mill-ħtieġa msemmija hawn fuq li jinbena mudell ekonomiku u soċjali Ewropew ġdid, l-atturi Ewropej kollha għandhom jipparteċipaw f’riflessjoni profonda dwar l-objettivi aħħarin tas-suq uniku u l-politiki relatati. Din ir-riflessjoni għandha tiffoka fuq il-bniedem u għandha tikkunsidra l-kunċetti ta’ beni pubbliċi, saħħa kollettiva, u modi alternattivi ta’ kejl tal-ġid, inkluż abbażi tal-proposti magħmula mill-imsieħba soċjali (18).

3.8.

Għandu jsir aktar biex jiġu promossi u protetti d-drittijiet soċjali fundamentali, bħala mod dirett u effettiv biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi pandemija fuq is-saħħa, is-soċjetà, l-ekonomija u l-edukazzjoni. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jitqies bħala żvilupp naturali tal-politika tal-protezzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali.

3.9.

Jeħtieġ li l-mandat tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rapporti tal-KE dwar l-Istat tad-Dritt jiġu estiżi biex ikopru bis-sħiħ u jippermettu l-monitoraġġ adegwat tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet soċjali fundamentali.

3.10.

Il-KESE jenfasizza r-rabta bejn il-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Kif diġà ntqal qabel, il-benesseri u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini għandhom jiġu żviluppati fuq mudell soċjali komuni u konsistenti, u li jkun flessibbli biżżejjed biex jakkomoda tradizzjonijiet u esperjenzi nazzjonali differenti, f’konformità mal-valuri, il-prinċipji u l-għanijiet tat-Trattat, u mal-Pilastru u l-kunsens imġedded, u li jħares ’il quddiem, tiegħu (19). Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu jqis l-effetti ta’ tfixkil estensivi tal-pandemija.

4.   Il-futur tad-demokrazija

4.1.

Il-pandemija hija fenomenu globali u l-istess huma l-konsegwenzi politiċi u demokratiċi tagħha. Skont studju reċenti, l-impatti fuq l-istat tad-demokrazija huma serji ħafna u jinkludu: l-għadd ta’ pajjiżi li mixjin f’dimensjoni awtoritarja qed isir ogħla minn dak ta’ pajjiżi li mexjin f’direzzjoni demokratika; rigress demokratiku li qed iseħħ f’xi wħud mill-akbar pajjiżi; l-integrità elettorali qed tiġi ddubitata f’diversi pajjiżi; rigress demokratiku li spiss qed igawdi minn appoġġ popolari; awtoritarjaniżmu li qed isir iktar profond f’reġimi mhux demokratiċi; u l-kriżi tas-saħħa fit-tul għandha t-tendenza li tinnormalizza r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet bażiċi (20). L-UE għandha tqis dawn ix-xejriet globali li jħallu impatt fuq il-politiki globali u reġjonali tagħha stess u li jagħtu eżempju demokratiku madwar id-dinja.

4.2.

Il-futur tad-demokrazija u l-futur tal-UE huma marbutin ma’ xulxin. L-UE nbniet bħala strument ta’ paċi u kooperazzjoni u b’mod importanti ħafna, bħala strument tad-demokrazija, fl-istadji kollha tagħha. Irridu niżguraw li l-isfidi u t-tensjonijiet kollha li jirriżultaw mill-pandemija ma jaffettwawx il-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi demokratiċi tagħna, u, daqstant importanti, l-impenn li nibnu Unjoni integrata, demokratika, soċjali u prospera. Dan jimplika, fost affarijiet oħra, li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tieħu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’konformità mat-Trattati.

4.3.

Sa mill-bidu tal-2020, meta l-COVID-19 wasal fl-Ewropa b’konsegwenzi devastanti, intużaw firxa ta’ strumenti ta’ politika biex tiġi miġġielda l-pandemija. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-miżuri mediċi, ta’ emerġenza u amministrattivi ġew implimentati taħt diversi reġimi ta’ emerġenza, li jvarjaw fil-kontenut u fit-tul.

4.4.

F’diversi pajjiżi tal-UE, tqajjem tħassib serju dwar il-motivi u l-effetti ta’ dawn ir-reġimi ta’ emerġenza. Dawn kienu jinvolvu t-twarrib tal-assemblej parlamentari u lokali/reġjonali, nuqqas ta’ sorveljanza fuq l-azzjoni eżekuttiva, limiti fuq l-informazzjoni pubblika, nuqqas ta’ trasparenza, djalogu soċjali u parteċipazzjoni, infiq bla kontroll u appoġġ inadegwat għall-persuni l-aktar affettwati, inkluż il-persunal mediku. Fil-pajjiżi li diġà kellhom vulnerabbiltajiet demokratiċi sinifikanti, ir-reġimi ta’ emerġenza aġixxew biex jaċċelleraw ix-xejriet preċedenti (21). Fil-pajjiżi b’sistemi demokratiċi stabbli, dawn qajmu mistoqsijiet dwar l-adattabilità għal ċirkostanzi ġodda u l-effettività tal-miżuri meħuda.

4.5.

Ir-risponsi ta’ politika wasslu wkoll għal livell bla preċedent ta’ miżinformazzjoni u oppożizzjoni għall-miżuri tas-saħħa, minn lockdown għal trattamenti u vaċċini. Filwaqt li l-UE ġeneralment irnexxiet fl-isforzi tagħha biex tappoġġja r-riċerka dwar il-vaċċini u l-akkwist u d-distribuzzjoni tagħhom, in-nuqqas tagħha li tikkomunika dan b’mod ċar lill-popolazzjoni Ewropea kollha għen biex jinxterdu aħbarijiet foloz, b’mod partikolari minn gruppi kontra l-vaċċini. In-narrattivi saru tant b’saħħithom fil-midja soċjali li affettwaw il-fiduċja pubblika fis-sistema tas-saħħa u fil-professjonisti tagħha u kebbsu l-iskuntentizza kontra r-riċerkaturi, il-politiċi, l-akkademiċi u l-mexxejja tas-soċjetà ċivili li kienu favur l-istrateġija ta’ rispons issanzjonata mid-WHO. Tipikament dawn kienu taħlita ta’ twemmin f’teoriji ta’ komplott u nuqqas qawwi ta’ fiduċja fix-xjenza u t-teknoloġija medika, speċjalment fil-vaċċini. B’mod ġenerali, l-OECD sabet li l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat xejra ġenerali ta’ tnaqqis fil-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet, li qed twassal għal diżinformazzjoni, polarizzazzjoni u nuqqas ta’ rieda ta’ konformità mal-politiki pubbliċi.

4.6.

F’diversi pajjiżi, dawn l-attitudnijiet għenu lill-partiti u lill-organizzazzjonijiet tal-lemin radikali u tal-Ewroxettiċi jkomplu jibnu l-kostitwenzi politiċi tagħhom. Hekk kif il-kriżijiet mediċi u soċjoekonomiċi jkomplu, il-mobilizzazzjoni u l-influwenza tagħhom se jkomplu jiżdiedu (22).

4.7.

Fil-pajjiżi kollha, it-tensjonijiet ikkawżati mill-kriżi tas-saħħa u dik ekonomika għandhom potenzjal sinifikanti li jikkawżaw qasma bejn diversi gruppi u kategoriji soċjali. Skont studju reċenti, il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha affettwaw b’mod differenti: liż-żgħażagħ u lill-anzjani; lil persuni li jirrapportaw li kienu affettwati ekonomikament u ’l dawk li jaraw il-COVID-19 prinċipalment bħala kriżi tas-saħħa pubblika; lil dawk li jaraw l-istat bħala protettur u ’l dawk li jarawh bħala oppressur (23).

4.8.

L-UE u l-Istati Membri għandhom isiru konxji tar-riskji li se tiġġenera kriżi mtawla. L-isfida ewlenija li qed jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri hija li jkunu jistgħu jsaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali matul il-pandemija, fil-konfront ta’ dubji u kritika. L-għan ta’ strateġija demokratika mhuwiex il-leġittimità tal-eliti politiċi u governattivi, iżda ż-żamma tal-effettività tar-risponsi filwaqt li jiġu promossi l-pluraliżmu demokratiku, il-kontrolli u l-bilanċi adatti, u l-kritiki razzjonali, kostruttivi u ċiviċi.

4.9.

F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jużaw l-istituzzjonijiet ta’ djalogu soċjali u ċiviku eżistenti biex jinvolvu bis-sħiħ u b’mod trasparenti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-imsieħba soċjali, u lill-partijiet ikkonċernati fil-ħolqien ta’ spazju demokratiku pluralistiku li fih huma milqugħa viżjonijiet u kritiki differenti. Il-KESE jenfasizza li minkejja l-aħjar intenzjonijiet wara l-istrument NextGenerationEU u l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, u r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati, il-livell ta’ parteċipazzjoni reali għadu fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti u l-proċessi fis-seħħ ma ppermettewx li l-fehmiet tagħhom ikollhom biżżejjed impatt.

4.10.

Kif kien irrakkomandat fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, minbarra l-oqsma diġà inklużi, il-promozzjoni tad-demokrazija Ewropea għandha tinvolvi t-trawwim tal-parteċipazzjoni demokratika fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; għandha tinvolvi lis-soċjetà ċivili u tkopri d-demokrazija fl-aspetti u fl-oqsma kollha tagħha, inkluża d-demokrazija fil-qasam tax-xogħol, fost l-oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li jinħtieġ li ssir enfasi akbar fuq id-djalogu ċivili, li huwa prerekwiżit ewlieni għat-teħid tad-deċiżjonijiet u s-sjieda tal-ogħla kwalità fi kwalunkwe demokrazija, f’konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE (24).

4.11.

Il-KESE jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għandu jinkludi inizjattiva fuq skala kbira biex titrawwem l-edukazzjoni dwar id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, li hija strumentali biex jiġu ssalvagwardjati l-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva. L-inizjattiva għandha tkun inklużiva u tiġi indirizzata liċ-ċittadini kollha, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; Dikjarazzjoni minn Luca Jahier, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u José Antonio Moreno Díaz, il-President tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt, 15 ta’ April 2020.

(2)  Dikjarazzjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Ir-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa għal solidarjetà bla preċedent fost l-Istati Membri, 6 ta’ April 2020.

(3)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173.

(4)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx?, 25.2.2021 (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

(5)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38.

(6)  Social Economy Europe, The Impact of COVID-19 on Social Economy Enterprises, Ġunju 2020 (L-Impatt tal-COVID-19 fuq l-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali, Ġunju 2020 — mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Il-Kunsill tal-Ewropa, Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (Il-Kummissjoni ta’ Venezja), Respect for Democracy, Human Rights and the Rule of Law during States of Emergency: Reflections,(Ir-Rispett għad-Demokrazija, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt waqt Stati ta’ Emerġenza), Strasburgu, 19 ta’ Ġunju 2020, CDL-AD(2020)014 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Ara, pereżempju, l-istudji komparattivi u l-bażijiet tad-data globali: CompCoRe b’sunt f’Jasanoff, Sheila, Hilgartner, Stephen, “A Stress Test for Politics: Insights from the Comparative Covid Response Project (Test tal-Istress għall-Politika: Għarfien mill-Proġett ta’ Rispons Komparattiv għall-COVID-19)(CompCoRe) 2020” Verfassungsblog, 11 ta’ Mejju 2021 (mhux disponibbli bil-Malti), u “Power and the COVID-19 Pandemic”, (Is-Setgħa u l-Pandemija tal-COVID-19)Verfassungsblog Symposium, b’sunt f’J. Grogan (mhux disponibbli bil-Malti), “Power, Law and the COVID-19 Pandemic: Part I” u “Part II” (Is-Setgħa, il-Liġi u l-Pandemija tal-COVID-19, Parti I u II — mhux disponibbli bil-Malti) li jikkonkludu Power and the COVID-19 Pandemic (Is-Setgħa u l-Pandemija tal-COVID-19) Verfassungsblog Symposium (2021) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  J. Grogan, Extraordinary or extralegal responses? (Reazzjonijiet straordinarji jew ekstralegali? — mhux disponibbli bil-Malti) The rule of law and the COVID-19 crisis (Democracy Reporting International, May 2021) (L-istat tad-dritt u l-kriżi tal-COVID-19, Democracy Reporting International, Mejju 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  J. Grogan, Extraordinary or extralegal responses? (Reazzjonijiet straordinarji jew ekstralegali? — mhux disponibbli bil-Malti) The rule of law and the COVID-19 crisis (Democracy Reporting International, May 2021) (L-istat tad-dritt u l-kriżi tal-COVID-19, Democracy Reporting International, Mejju 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  J. Grogan, Extraordinary or extralegal responses? (Reazzjonijiet straordinarji jew ekstralegali? — mhux disponibbli bil-Malti) The rule of law and the COVID-19 crisis (Democracy Reporting International, May 2021) (L-istat tad-dritt u l-kriżi tal-COVID-19, Democracy Reporting International, Mejju 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  J. Grogan u N. Weinberg, Principles to Uphold the Rule of Law and Good Governance in Public Health Emergencies (Prinċipji għaż-Żamma tal-Istat tad-Dritt u l-Governanza Tajba fl-Emerġenzi tas-Saħħa Pubblika) (RECONNECT Policy Brief, Awwissu 2020 — mhux disponibbli bil-Malti)): https://reconnect-europe.eu/wp-content/uploads/2020/08/RECONNECTPB_082020B.pdf.

(13)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 173.

(14)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 1. Din l-Opinjoni tal-KESE rċeviet kontropinjoni li ġiet irrifjutata iżda rċeviet mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa.

(15)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50.

(16)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50.

(17)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19, 25 ta’ Mejju 2021.

(18)  Supplementing GDP as a welfare measure: proposed joint list by the European social partners (Is-supplimentar tal-PDG bħala miżura ta’ protezzjoni soċjali: lista konġunta proposta mill-imsieħba soċjali Ewropej), 3 ta’ Marzu 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  ĠU C 374, 16.9.2021, p. 38.

(20)  International Institute for Democracy and Electoral Assistance (International IDEA), The Global State of Democracy Report 2021 (Rapport dwar l-Istat Globali tad-Demokrazija 2021 — mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Ara Petra Guasti, The Impact of the COVID-19 Pandemic in Central and Eastern Europe. The Rise of Autocracy and Democratic Resilience, (L-Impatt tal-Pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Iż-Żieda fl-Awtokrazija u r-Reżiljenza Demokratika) Democratic Theory, Volum 7, Ħarġa 2, Xitwa 2020: p. 47 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Ara, pereżempju, José Javier Olivas Osuna u José Rama, COVID-19: A Political Virus? VOX’s Populist Discourse in Times of Crisis, Frontiers in Political Science, 18 ta’ Ġunju 2021.

(23)  Ivan Krastev u Mark Leonard, Europe’s Invisible Divides: How COVID-19 is Polarizing European Politics, (Il-Qasmiet Inviżibbli tal-Ewropa: Kif il-COVID-19 qed Tippolarizza l-Politika Ewropea) ECFR Policy Brief, Settembru 2021 (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 56.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi soċjali tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 275/03)

Relatur:

Pierre Jean COULON

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

2.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

207/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni dwar “FuelEU Maritime” (1) u tal-Opinjoni dwar “NAIADES III” (2).

1.1.1.

F’dawn l-oqsma, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha fir-raggruppament marittimu u l-katina tal-provvista biex fl-aħħar mill-aħħar jintlaħaq dan l-għan.

1.1.2.

L-istess japplika għall-interess meħtieġ għall-ħolqien ta’ terminals intermodali li jippermettu l-iżvilupp tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fil-bliet li jikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità tal-ħajja.

1.2.

Il-KESE jqis li l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni trid tqis is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet li jgħixu qrib il-kanali tan-navigazzjoni jew il-portijiet.

1.3.

Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-port, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi tat-trasport għandhom jaħdmu flimkien biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-rabtiet bejn il-belt, il-portijiet u l-atturi tat-trasport.

1.4.

It-tranżizzjoni għall-ekoloġizzazzjoni tista’ titqies biss wara l-implimentazzjoni ta’ taħriġ adegwat għall-impjegati.

1.5.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma parti integrali minn evalwazzjoni futura tal-ekonomija blu.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “NAIADES III” ippubblikata fl-24 ta’ Ġunju 2021, dwar il-modernizzazzjoni tan-navigazzjoni fl-ilmijiet navigabbli interni fl-Ewropa, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli fit-trasport marittimu, ippubblikata fl-14 ta’ Lulju 2021, magħrufa bħala “FuelEU Maritime”, jagħtu bidu għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi.

2.2.

“NAIADES III” huwa pjan ta’ azzjoni li għandu l-għan li jippromovi t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni f’35 punt ibbażat fuq osservazzjoni sempliċi ħafna li għamlet il-Kummissarju għat-Trasport, Adina Vālean: it-trasport bl-ilma huwa “wieħed mill-modi ta’ trasport l-aktar effiċjenti fl-emissjonijiet tal-karbonju, u l-ilmijiet navigabbli interni jista’ jkollhom rwol essenzjali fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-trasport tagħna”; madankollu 6 % biss tal-merkanzija tal-UE tinġarr fix-xmajjar u l-kanali tagħna, minkejja li n-network tal-ilmijiet navigabbli interni huwa ta’ 41 000 kilometru.

2.3.

Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tippermetti li volum akbar ta’ merkanzija jiġi ttrasportat fix-xmajjar u l-kanali tal-Ewropa, u li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal braken b’emissjonijiet żero sal-2050.

2.4.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Intermodali tal-1992 (3), li hija l-uniku strument legali tal-UE li jappoġġja direttament it-tranżizzjoni minn trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi (ilmijiet navigabbli interni, trasport marittimu u ferrovjarju), iżda li l-effett tagħha ġie affettwat minn traspożizzjoni mhux sodisfaċenti fl-Istati Membri. Raġuni ewlenija għal din it-traspożizzjoni ħażina hija li l-Pakkett tal-2018 dwar “il-Mobbiltà” kien fih kunflitt reali bejn, minn naħa waħda, l-għan li tinkiseb kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi u l-impjegati tat-trasport bit-triq u l-impjegati fis-suq intern (billi jiġi limitat il-kabotaġġ tat-termini intermodali) u, min-naħa l-oħra, it-tranżizzjoni minn trasport modali għal trasport intermodali billi titnaqqas l-ispiża tiegħu.

2.5.

Il-Proposta għal Regolament dwar it-traffiku marittimu hija parti mill-pakkett politiku u leġiżlattiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %” li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b’55 % sal-2030. Din hija prinċipalment immirata lejn miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, u tirrikjedi li t-trasportaturi jiddikjaraw it-tip ta’ bastimenti u fjuwil li jużaw. Għalhekk ftit li xejn hija vinkolanti. Dan għaliex, skont il-Kummissjoni Ewropea, it-trasport marittimu b’mod ġenerali jammonta għal 10 % tal-emissjonijiet relatati mat-trasport fl-Unjoni.

2.6.

Il-KESE jista’ biss jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni Ewropea għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni.

2.7.

Huwa diġà għamel dan fl-Opinjonijiet dwar FuelEU Maritime (4) u NAIADES III (5) li ġew adottati reċentement; u l-KESE jixtieq ukoll jieħu l-opportunità li jippreżenta xi ħsibijiet dwar l-isfidi soċjali li tirrappreżenta l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, u jiġbed l-attenzjoni tas-soċjetà ċivili dwar il-fatt li l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni tinvolvi wkoll l-ippjanar tal-ispazju marittimu, sabiex it-trasport jkun jista’ jiġi adattat għat-tibdil fil-klima fir-rigward tal-ekonomija blu (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja hija maqsuma f’żewġ partijiet li jkopru suġġetti differenti: l-ewwel parti tindirizza n-natura tat-trasport u l-portijiet tal-ilmijiet navigabbli interni, u t-tieni parti titratta kwistjonijiet soċjali li jikkonċernaw l-impjegati fit-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni. Il-KESE jenfasizza li t-trasport marittimu huwa suq settorjali, li jvarja minn trasport lokali permezz ta’ ferries għall-bliet u l-arċipelagi tul xmajjar u rotot marittimi qosra, trasport għal vjaġġi twal permezz ta’ ferries, bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa, bastimenti tal-kontejners, kif ukoll kruċieri.

Din l-Opinjoni ma tindirizzax dawn is-setturi kollha iżda tindirizza d-dimensjoni soċjetali marbuta mal-kwistjonijiet tat-trasport lokali u reġjonali.

3.2.

L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u dak marittimu teħtieġ approċċ integrat għaliex l-infrastruttura futura tat-trasport se jkollha tqis ukoll it-tħassib relatat mas-saħħa tar-residenti u tal-ħaddiema lokali.

3.3.

F’din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-isfidi soċjali tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni jkollha studji sodi dwar l-impatti fuq is-saħħa tal-attivitajiet tal-portijiet tax-xmajjar u dawk marittimi. Dawn l-istudji għandhom jiffokaw fuq l-analiżi ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali fuq skala kbira u jinkludu rakkomandazzjonijiet għal operazzjoni ta’ portijiet tax-xmajjar u dawk marittimi li jqisu l-kwistjonijiet tas-saħħa.

3.4.

Il-kabotaġġ marittimu għandu rwol essenzjali fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b’mod partikolari għall-gżejjer. Dan jiffavorixxi politika ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju, inaqqas l-impatt ambjentali u jiffaċilita l-prinċipju tal-multimodalità.

3.5.

It-titjib tal-kwalità tal-arja fil-portijiet u l-konsegwenzi li dan għandu fuq is-saħħa tar-residenti huwa suġġett sensittiv. Il-KESE jemmen li jkun utli li jiġu żviluppati aktar sistemi tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet tax-xmajjar u dawk marittimi, bħal fil-każ tal-port ta’ Rotterdam, sabiex bastimenti ta’ kull daqs ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu rmiġġati, peress li dan jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tar-residenti u tal-ħaddiema. Dan japplika wkoll għall-bastimenti tal-kruċieri li spiss ikunu rmiġġati fiż-żoni tal-portijiet ċentrali.

3.6.

It-tniġġis akustiku kkawżat minn attivitajiet fil-portijiet marittimi ma jistax jiġi injorat, peress li dan jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, minn naħa, u s-saħħa tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra. L-istess jgħodd għar-residenti taż-żoni interni tal-ilmijiet navigabbli interni. It-titjib tal-prestazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jimxi id f’id mal-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żoni interni. Madankollu, dan l-iżvilupp ma għandux isir a skapitu tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti, minkejja li t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jiġġenera inqas tniġġis mit-trasport bit-triq.

3.7.

L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u dak marittimu ma tistax tinkiseb mingħajr ma jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-taħriġ tal-persunal, il-prospetti ta’ impjieg u t-trattament mhux ugwali bejn l-irġiel u n-nisa f’dawn is-setturi, u mingħajr ma jitqiesu l-isfidi soċjali tal-bidliet profondi li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-impjiegi.

3.8.

It-tiġdid tal-flotta huwa essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni mill-fjuwils fossili. Madankollu, dan is-settur huwa magħmul prinċipalment minn barklori żgħar u SMEs li bħalissa qed ibatu minn diffikultajiet ekonomiċi (telf ta’ fatturat ta’ madwar EUR 2,7 biljun, tnaqqis ta’ mill-inqas 70 % fit-trasport tal-passiġġieri). Għalhekk, l-aċċettazzjoni soċjali tat-tiġdid meħtieġ tal-flotta teħtieġ l-appoġġ tal-barklori, li jiġi żgurat biss jekk il-fiduċja tagħhom tinkiseb permezz ta’ investimenti u appoġġ finanzjarju fit-tul.

3.9.

It-tranżizzjoni lejn trasport fl-ilmijiet navigabbli interni b’emissjonijiet tas-CO2 żero għalhekk teħtieġ mhux biss appoġġ finanzjarju għall-barklori eżistenti, iżda wkoll li jkun hemm sforzi akbar biex jitħarreġ il-persunal attwali u dak futur ta’ fuq il-bastimenti. Is-suċċess tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport bl-ilma u dak marittimu jiddependi wkoll mill-kapaċità tas-settur li jiġġestixxi t-trasformazzjoni tax-xogħol u tal-ħiliet.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-portijiet

4.1.

Fil-qasam tat-trasport marittimu, il-politika ta’ ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu twassal għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tar-rabtiet bejn il-belt u l-portijiet. Proġetti ta’ żvilupp ibbażati fuq l-ekonomija bbażata fuq “iż-żejt” u l-“użu qawwi tal-kontejners” madwar id-dinja fit-tieni nofs tas-seklu 20 wasslu biex il-portijiet joħorġu mill-bliet, li kienu saru żgħar wisq, u wasslu għall-ħolqien ta’ żoni industrijali tal-port fil-periferija. Madankollu, l-aċċettazzjoni ta’ proġett kbir tal-port jew proġett urban għandha tkun pjuttost unanima, li jfisser li għandhom jiġu kkunsidrati sett ta’ argumenti ta’ spiss kumplessi ħafna marbuta mal-interess pubbliku u l-interessi individwali. Dawn it-talbiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà huma pjuttost ġodda fir-relazzjoni twila ta’ bejn belt u l-port tagħha.

4.2.

L-awtoritajiet tal-port u l-muniċipalitajiet jistgħu jkunu fuq l-istess naħa jew jopponu għalkollox lil xulxin fir-rigward ta’ dimensjonijiet soċjetali u ambjentali, li issa saru inevitabbli (7). Fil-bliet tal-portijiet, fejn il-bastimenti jikkoeżistu mar-residenti, l-industriji, in-negozji u l-attivitajiet turistiċi, il-kwalità tal-ambjent u s-sorsi tat-tniġġis isiru fatturi li jimmobilizzaw ir-residenti. Pereżempju, id-dgħajjes iħaddmu l-magni tagħhom lejl u nhar: it-tniġġis tal-arja huwa pjaga ta’ kuljum għar-residenti ta’ diversi portijiet Ewropej.

4.3.

Il-bastimenti tat-tagħbija mħallta u l-ferries ta’ bosta kumpaniji jirrilaxxaw gassijiet u partiċelli fini fl-arja. L-istorbju ġġenerat mill-magni huwa wkoll tniġġis insopportabbli, għaliex dan huwa storbju kostanti u amplifikat matul il-lejl.

4.4.

Il-problema ġejja mill-fatt li parti biss mis-sottostazzjonijiet għall-irmiġġ tal-bastimenti fil-portijiet huma mgħammra b’konnessjoni tal-elettriku mix-xatt. Għalhekk, għadd ta’ bastimenti huma mġiegħla joperaw il-ġeneraturi tal-elettriku tagħhom stess.

4.5.

It-titjib tal-kwalità tal-arja fil-portijiet u l-effetti li dan ikollu fuq is-saħħa tar-residenti huwa suġġett sensittiv. Qiegħda dejjem tikber id-domanda tas-soċjetà għal miżuri preventivi u korrettivi tal-kwalità tal-arja madwar il-portijiet, speċjalment fuq il-midja soċjali.

4.6.

L-istess jgħodd għat-tniġġis akustiku ġġenerat mill-attività tal-portijiet. Skont il-KESE, l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni teħtieġ valutazzjoni u analiżi tal-impatti ambjentali tal-portijiet, b’mod partikolari fiż-żoni tal-interfaċċa tal-belt/port. Dan għandu jkun pass preliminari għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura u li jippermetti ġestjoni ambjentali intelliġenti tal-interfaċċa tal-belt/port, li għaliha jista’ jikkontribwixxi l-iżvilupp tal-portijiet tax-xmajjar interni.

4.7.

Tabilħaqq, l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni ma tistax timxi ’l quddiem mingħajr ma ssir valutazzjoni minn qabel tal-impatt tat-tixrid tal-emissjonijiet tal-gassijiet, anke b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, tal-bastimenti, tal-profil topografiku taż-żona tal-port, tad-distribuzzjoni tal-popolazzjoni fiż-żoni ta’ influwenza tal-attività tal-port, tal-eżistenza ta’ stazzjonijiet meteoroloġiċi, minħabba li t-temp għandu influwenza fuq it-tixrid jew l-istaġnar tal-gassijiet fl-arja, u tas-sensuri li jkejlu t-tniġġis u l-livelli tal-istorbju.

Impjegati tas-settur marittimu

4.8.

Ma tistax tiġi injorata sfida oħra ewlenija tas-soċjetà: l-impjieg u t-taħriġ għall-professjonijiet ġodda għall-baħħara. Minkejja n-nuqqas ta’ data disponibbli, preċiża u komparabbli dwar il-baħħara, huwa ġeneralment meqjus li s-settur marittimu jbati minn nuqqas ta’ ħiliet, u li huwa diffiċli li jimtlew il-pożizzjonijiet u jinżammu l-baħħara disponibbli.

4.9.

Ċertu nuqqas ta’ attraenza ta’ dan is-settur professjonali huwa riżultat, fost oħrajn, tal-fatt li n-navigazzjoni fuq il-baħar m’għadhiex meqjusa bħala mod kif persuna tara d-dinja; tabilħaqq, l-ivvjaġġar sar irħas u aktar faċli. Skont studju indipendenti mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, is-settur huwa wkoll meqjus bħala inkompatibbli ma’ dik li titqies bħala ħajja soċjali u tal-familja normali, u li joffri kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u nuqqas ta’ prospetti għall-iżvilupp professjonali, minkejja l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 (MLC 2006), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol u tal-ħajja għall-baħħara tal-flotta merkantili dinjija (8).

4.10.

Madankollu, ċerta data meħuda minn rapport tal-European Community Shipowners’ Associations turi li f’ċerti strati tas-soċjetà, in-navigazzjoni marittima hija meqjusa bħala prestiġjuża u rispettabbli, b’mod partikolari bis-saħħa ta’ kampanji tal-informazzjoni pubbliċi dwar is-settur, tal-boroż ta’ studju, eċċ.

Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-qasam tat-trasport

4.11.

L-għadd ta’ nisa fit-trasport marittimu għadu relattivament sottorappreżentat/baxx, u ftit li xejn kien hemm sinjali ta’ titjib matul iż-żmien. Bl-eċċezzjoni ta’ xi pajjiżi Nordiċi u n-Netherlands, in-nisa jokkupaw pożizzjonijiet bi status aktar baxx u f’impjiegi bi ħlas inqas mill-irġiel.

4.12.

Il-KESE huwa parti kkonċernata tal-pjattaforma “In-nisa fit-trasport – Pjattaforma tal-UE għall-bidla”, li l-għan tagħha huwa li tintegra u tippromovi n-nisa fis-settur tat-trasport b’mod ġenerali, inkluż it-trasport marittimu u fl-ilmijiet navigabbli interni. Stħarriġ online li sar mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport bejn is-7 ta’ Ottubru u d-29 ta’ Novembru 2019 juri li n-nisa jirrappreżentaw 22 % biss tal-impjegati tal-industrija tat-trasport fis-setturi kollha (9). L-istudju juri li għad hemm ħafna ostakli li jirriżultaw mill-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru fis-settur. It-trasport marittimu minn dejjem kien industrija ddominata mill-irġiel, u l-KESE jqis li jeħtieġ li dan jinbidel sabiex tiġi indirizzata l-isfida soċjali li n-nisa jaffaċċjaw f’dan is-settur.

4.13.

L-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu tista’ tkun ta’ opportunità għal din il-bidla. Tabilħaqq, il-KESE jqis li l-bidla teknoloġika li se tirriżulta mill-ekoloġizzazzjoni għandha twassal għal dinamika fil-ħolqien ta’ impjiegi fit-trasport marittimu u bidla fil-perċezzjonijiet dwar dan is-settur, fejn l-impjiegi tradizzjonali fuq il-baħar jiġu sostitwiti b’impjiegi b’valur miżjud għoli fuq l-art, li b’hekk jippermetti li jiġu reklutati aktar nisa.

4.14.

Baħħara kwalifikati sew huma essenzjali biex jiġi żgurat li n-navigazzjoni tkun sikura u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Is-sostenibbiltà ta’ dan is-settur dinamiku tiddependi mill-kapaċità li jkompli jattira għadd suffiċjenti ta’ ħaddiema ġodda ta’ kwalità għolja u jżomm baħħara b’esperjenza, inklużi baħħara nisa u gruppi oħra mhux rappreżentati biżżejjed.

4.15.

Il-KESE jemmen li l-involviment tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, huwa meħtieġ biex jinstabu soluzzjonijiet kemm sinifikanti kif ukoll vijabbli fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu (10).

Il-baħħara

4.16.

Mandakollu, l-awtomatizzazzjoni tal-bastimenti tista’ tirriżulta fit-tnaqqis tal-ekwipaġġi u tal-persunal ta’ fuq il-bastimenti, li se jwassal għal tnaqqis fid-domanda tal-baħħara u fl-istess ħin, żieda fil-piż tax-xogħol u r-responsabbiltajiet għall-ħaddiema eżistenti. Huwa improbabbli li l-prospett tal-qgħad jew tal-klassifikazzjoni mill-ġdid se jiġi aċċettat soċjalment.

4.17.

Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ta’ fuq il-bastimenti bi kwalifiki għolja u b’kompetenzi fl-informatika u fl-elettroteknika. Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni se jkunu jistgħu wkoll inaqqsu l-piż amministrattiv, ta’ spiss imniżżel bħala sors ta’ għejja għall-persunal ta’ fuq il-bastimenti, u jippermettu l-iżvilupp ta’ sistemi operattivi kważi awtonomi, li jista’ jkollhom impatt konsiderevoli f’termini ta’ sigħat tax-xogħol u tal-attraenza tan-navigazzjoni marittima.

4.18.

Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni involuti fl-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu se jbiddlu s-settur bil-kbir. Dan ma jistax jintlaħaq fi żmien qasir, speċjalment peress li s-sidien tal-bastimenti għadhom mhumiex ippreparati sew. Min-naħa l-oħra, dawn it-teknoloġiji ġodda huma adattati għall-bastimenti eżistenti. L-ispiża ġġenerata mit-tiġdid tal-flotta wkoll għandha rwol f’din l-eżitazzjoni.

4.19.

Lanqas ma jista’ jiġi injorat ir-riskju li l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet li qed jevolvu jistgħu jkunu ta’ detriment għall-impjieg, u jeskludu lil xi baħħara jew jonqsu milli jħarrġu tajjeb lill-baħħara tal-futur. Dan joħloq sfida kbira għall-iskejjel tat-taħriġ marittimu, li tista’ tiġi ttrattata biss minn dawk li jikkooperaw mill-qrib mal-industrija marittima biex jadattaw għall-ħtiġijiet ta’ din tal-aħħar.

4.20.

Barra minn hekk, taħriġ kontinwu għall-baħħara huwa essenzjali biex jinżammu aġġornati l-ħiliet tagħhom, u biex titħaffef it-tranżizzjoni minn impjiegi bbażati fuq il-baħar għal dawk fuq l-art, li x’aktarx tirriżulta mill-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu. Dan l-aspett huwa essenzjali għal effetti pożittivi fuq is-soċjetà kollha.

4.21.

Persunal aktar ikkwalifikat ifisser żieda fin-nefqa operatorja, riskju ta’ dumping soċjali għad-detriment ta’ persunal inqas ikkwalifikat, u kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol, li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-impjiegi tal-baħħara Ewropej. F’dan ir-rigward ara l-istudju “Seafarers and digital disruption“ Seafarers and digital disruption” (Il-baħħara u t-tfixkil diġitali) tal-2018 (11). Jidher li n-numru tal-baħħara Ewropej qed jonqos, l-età medja tagħhom qed tiżdied, u dan iqajjem il-mistoqsija dwar jekk humiex kompetittivi meta mqabbla mal-baħħara mhux Ewropej. Minkejja li din hija kwistjoni separata, din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja ppruvat tindirizzaha.

4.22.

Għalhekk, l-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali biex jiżguraw li l-istandards tax-xogħol fit-trasport marittimu jiġu rispettati u saħansitra msaħħa. Madankollu, in-negozjar kollettiv jista’ jiġi kompromess minħabba d-disparità tad-drittijiet tax-xogħol applikabbli abbord, u kkumplikat bl-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol f’żoni transfruntiera, minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti responsabbli għall-kontroll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

It-trasport fl-ilmijiet navigabbli intern

4.23.

Uħud mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-impjegati tat-trasport marittimu jistgħu jiġu estrapolati għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, ħlief li s-suq tax-xogħol tan-navigazzjoni interna huwa magħmul prinċipalment minn operaturi indipendenti li qed jikbru fl-età, minħabba l-kombinazzjoni ta’ fatturi soċjali, ekonomiċi u kulturali (12). Għandu jiġi nnotat li t-tixjiħ jaffettwa wkoll il-kategorija tal-impjegati għaliex iż-żgħażagħ jippreferu jaħdmu fuq l-art b’ħinijiet regolari u l-possibbiltà li jqattgħu tmiem il-ġimgħa d-dar. Pereżempju, dan il-fattur huwa importanti ħafna fl-Ewropa tal-Punent, fejn madwar 80 % tal-intrapriżi tat-trasport tal-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni huma sidien-operaturi indipendenti, li l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom mhumiex regolari. Dan iwassal għal nuqqas ta’ ħaddiema fin-navigazzjoni interna, kemm fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri fl-ilmijiet navigabbli interni kif ukoll fis-suq tal-merkanzija, u l-fenomenu jista’ jiġi osservat għal persunal ikkwalifikat fil-livell ta’ kmand u operaturi kkwalifikati tad-dgħajjes fil-qasam tal-merkanzija likwida.

4.24.

Il-KESE josserva li dan in-nuqqas jista’ jiġi spjegat ukoll minn fatturi tekniċi; hekk kif ix-xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ qed isir aktar u aktar tekniku, l-intrapriżi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni qed ifittxu profili speċjalizzati, iżda dawn huma diffiċli biex jinstabu.

4.25.

Iż-żieda fl-attraenza tas-settur għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, b’mod partikolari, tinvolvi l-adozzjoni ta’ miżuri fundamentali, b’mod partikolari ta’ natura soċjokulturali u soċjetali, bħall-iżvilupp ta’ kooperattivi biex jiġu allinjati aħjar il-ħtiġijiet ekonomiċi (effiċjenza, profittabilità, piż tax-xogħol għoli) fuq aspetti soċjali, kulturali u soċjetali (ħajja privata u soċjali, familja, eċċ.).

4.26.

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota li l-effetti tal-kriżi minħabba l-COVID-19 li diġà nħassu se jkunu kwantifikabbli fis-snin li ġejjin, aktar u aktar peress li s-suq tax-xogħol fin-navigazzjoni fl-ilmijiet navigabbli interni se jkollu jinbidel aktar minħabba l-ekoloġizzazzjoni tas-settur.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar FuelEU Maritime (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 145).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar NAIADES III (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 102).

(3)  Council Directive 92/106/KEE of 7 December 1992 on the establishment of common rules for certain types of combined transport of goods between Member States (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar FuelEU Maritime (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 145).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar NAIADES III (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 102).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE, relatur Simo Tiainen (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 108), u Opinjoni tal-KESE dwar L-innovazzjoni fl-ekonomija blu, relatur: Séamus Boland (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 93).

(7)  Daudet, B., u Alix, Y., “Gouvernance des territoires ville-port: empreintes locales, concurrences régionales et enjeux globaux”, Organisations et Territoires, (Governanza tat-territorji belt-port: impronti lokali, kompetizzjonijiet reġjonali u sfidi globali, Organizzazzjonijiet u Territorji), 2012.

(8)  Coffey, Consultores em Transportes Inovacāo e Sistemas, Oxford Research u World Maritime University, Study on social aspects within the maritime transport sector (Studju dwar aspetti soċjali fi ħdan is-settur tat-trasport marittimu), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020.

(9)  https://www.etf-europe.org/make-transport-fit-for-women-to-work-in-etf-sounds-alarm-over-industrys-growing-gender-divide/

(10)  https://www.ecsa.eu/index.php/etf-ecsa-declaration-enhanced-participation-women-european-shipping

(11)  https://www.ics-shipping.org/wp-content/uploads/2018/10/ics-study-on-seafarers-and-digital-disruption.pdf.

(12)  Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, Rapport tematiku dwar is-suq tax-xogħol fis-settur tan-navigazzjoni interna Ewropea, Frar 2021.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-567 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Interactio, 23.2.2022–24.2.2022

18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa

(COM(2021) 407 final — final 2021/230 (NLE))

(2022/C 275/04)

Relatur:

Paul RÜBIG

Korelatur:

Panagiotis GKOFAS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

Bażi legali

Artikolu 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

3.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

219/0/2

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa jistabbilixxi valuri u prinċipji maqbula b’mod komuni għar-riċerka u l-innovazzjoni u jidentifika, fuq livell globali u ġenerali, l-oqsma fejn l-Istati Membri se jiżviluppaw flimkien azzjonijiet ta’ prijorità. Għalhekk, il-Patt jappoġġja ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) l-ġdida filwaqt li jżomm f’moħħu li r-riċerka u l-innovazzjoni huma fil-biċċa l-kbira kompetenzi nazzjonali.

1.2.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija maqsuma f’partijiet ewlenin, li huma indirizzati fit-taqsimiet li ġejjin:

1.

Valuri u prinċipji;

2.

Oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta;

3.

Prijoritizzazzjoni tal-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp;

4.

Il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika u r-rappurtar.

1.3.

Fil-futur, l-Ewropa għandha tislet mir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ewropa l-ħolqien tal-valur, in-negozju u impjiegi ta’ kwalità. Għodda importanti ħafna biex isiru n-negozju, il-profitt u l-impjiegi għall-Ewropa mir-riżultati tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Ewropa hija d-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI). L-importanza kbira tad-DPI għandha tiżdied mal-paragrafu dwar il-Ħolqien tal-Valur u għandha tiġi żviluppata strateġija ċara tad-DPI għall-Ewropa fil-qafas tal-Patt għaż-ŻER il-ġdida. Din il-politika attiva u passiva tal-UE dwar il-privattivi u l-istrateġija tal-privattivi għandhom ikunu akkumpanjati minn strateġija ta’ liċenzji attiva u passiva u sistema ta’ monitoraġġ trasparenti għall-bilanċ nett globali tal-privattivi u tal-liċenzji.

1.4.

Il-KESE jilqa’ s-sejħa ċara li saret fil-Patt għal approfondiment taż-ŻER, jiġifieri l-bidla mill-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali għal integrazzjoni aktar profonda ta’ dawn il-politiki, kif ukoll is-sejħa tiegħu biex titħaffef it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. S’issa, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE 27 twettqu prinċipalment f’sajlos ta’ xogħol paralleli. Dawn is-sajlos issa jridu jiġu konnessi permezz ta’ “pajpijiet ta’ komunikazzjoni” enormi, li l-KESE jemmen li jridu jkunu wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Patt.

1.5.

Il-KESE jqis li, fid-dawl tal-investimenti kbar fir-Riċerka, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (RTI) fl-Asja (iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, eċċ.), l-UE trid tħaffef b’mod sostanzjali l-isforzi tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni, speċjalment fir-rigward tat-trasformazzjoni rapida tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi, peress li l-Ewropa għadha lura f’dan il-qasam, kif irrimarkat b’mod ċar f’COM(2020) 628.

1.6.

Il-KESE jixtieq jirrimarka li r-riċerka u l-innovazzjoni jridu jitħaffu fl-UE u t-tranżizzjoni diġitali tintlaħaq malajr. Rapport tal-KE ppubblikat dan l-aħħar, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp Industrijali tal-UE tal-2021, juri li ċ-Ċina żiedet l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp mill-2020 sal-2021 b’18,1 %, l-Istati Uniti żiedet l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp mill-2020 sal-2021 b’9,1 %, filwaqt li l-UE27 naqset l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp b’2,2 %. Dawn il-proċessi ta’ tranżizzjoni jridu jkunu ġusti, u ma jitħalla lura l-ebda grupp tas-soċjetà ċivili, speċjalment ċittadini vulnerabbli, ċittadini Ewropej li jgħixu f’reġjuni remoti jew l-imsieħba soċjali.

1.7.

Kif irrimarkat fiż-ŻER il-ġdida, kif ukoll fil-Patt, l-UE tassew teħtieġ viżjoni ġdida, jiġifieri Patt Ġdid għaż-ŻER tal-UE. Jekk tkompli bis-soltu strateġija antika tagħha ta’ RTI, l-UE se tkompli taqa’ lura wara l-Istati Uniti u l-Asja (iċ-Ċina, il-Korea, eċċ.) fir-riċerka u l-innovazzjoni.

1.8.

Sal-lum, parti limitata biss mill-popolazzjoni tal-UE (l-entitajiet tas-soltu tar-riċerka u l-innovazzjoni biss) kienet involuta fil-politiki tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Madankollu, ir-riċerka soċjoekonomika moderna tenfasizza l-importanza kbira tax-Xjenza, it-Teknoloġija u s-Soċjetà għal atturi b’saħħithom fir-riċerka u l-innovazzjoni. Sabiex jikkontribwixxi b’mod konkret bl-objettiv ta’ UE aktar b’saħħitha fid-dinja, il-KESE jitlob li jiġu inklużi, fil-forma xierqa, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u ekonomiċi (notevolment l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-MSMEs) fil-livell tal-UE u dak nazzjonali fejn jidħol il-monitoraġġ tal-Kummissjoni Ewropea tal-azzjonijiet diġà implimentati fl-2022 mill-Forum taż-ŻER u inizjattivi relatati bħall-Panels taċ-Ċittadini Ewropej fi ħdan il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-hekk imsejjaħ trijangolu tal-għarfien (Edukazzjoni Għolja, Riċerka Bażika u Applikata, Kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġija ġdida mill-Industrija), li aħna ferħanin li naraw li ssir referenza għalih ukoll fil-Patt tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, huwa kunċett importanti biex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni. F’dan il-kunċett ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-UE, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li jiġu inklużi l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll ċittadini vulnerabbli tal-UE.

1.9.

Fil-Patt il-ġdid għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Ewropa trid tħejji l-bażi għal kultura aktar intraprenditorjali b’tali mod li jiġu mħeġġa negozji li jieħdu riskju u innovattivi — l-MSMEs kif ukoll negozji ġodda. Is-slogan magħruf sew “L-ebda riskju, l-ebda gost” jissarraf fl-innovazzjoni f’“L-ebda riskju, l-ebda negozju ġdid, l-ebda impjieg ġdid ta’ kwalità”.

1.10.

Hemm ħafna dokumenti u programmi tal-Kummissjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għalhekk, il-KESE japprezza li kieku l-Kummissjoni tiċċara l-interkonnessjonijiet bejn id-dokumenti kollha tagħha dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż il-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-ŻER il-ġdida, il-Missjonijiet Ewropej, il-Pjan tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Orizzont Ewropa b’mod ġenerali.

1.11.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jixtieq jirrimarka li l-Patt tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE u ż-ŻER il-ġdida tiegħu għandhom jitfasslu u jiġu implimentati bi qbil mas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom l-għan li jiksbu ħajjiet deċenti għal kulħadd fi pjaneta b’saħħitha sal-2030.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Id-dokument ewlieni tal-Kummissjoni, li fuqu huwa bbażat il-Patt u li għalih jirreferi l-Patt, huwa COM(2020) 628 — ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

2.2.

F’Marzu 2021, il-KESE ppubblika Opinjoni (1) dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2). Ħafna mill-konklużjonijiet, mir-rakkomandazzjonijiet u mill-kummenti ġenerali li jinsabu f’dik l-Opinjoni tal-KESE huma validi wkoll għall-Patt; xi wħud minnhom huma riprodotti f’dan id-dokument.

2.3.

Il-ġbir flimkien ta’ dawn l-elementi ta’ riċerka u innovazzjoni f’att legali wieħed se jafferma mill-ġdid l-impenn politiku tal-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-politiki tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni ħalli jindirizzaw l-isfidi li l-Ewropa qed tiffaċċja llum, li huma:

a.

It-tranżizzjoni doppja (it-tranżizzjoni diġitali u l-Patt Ekoloġiku)

b.

L-irkupru wara l-pandemija

c.

Il-kompetizzjoni globali dejjem aktar ħarxa fl-RTI, speċjalment mill-Asja (iċ-Ċina, il-Korea, eċċ.).

Dawn l-isfidi kollha jridu jiġu indirizzati b’mod ġust, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, speċjalment iċ-ċittadini vulnerabbli tal-UE.

2.4.

Il-klassifika globali tal-RTI u studji dwar l-RTI juru li, f’termini ta’ kompetizzjoni globali, l-UE 27 għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja, speċjalment iċ-Ċina u l-Korea, fir-rigward tal-RTI, speċjalment f’termini ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs) (eż. intelliġenza artifiċjali, tagħlim awtomatiku, robotika, mudelli tan-negozju diġitali, eċċ.) L-isfidi a) u b) jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2021) 407. Sfida c) “il-kompetizzjoni globali fl-RTI speċjalment mill-Asja (iċ-Ċina, il-Korea, eċċ.)” ġiet miżjuda intenzjonalment mill-KESE, minħabba li huwa tal-fehma li jekk l-UE ma tindirizzax din l-isfida b’suċċess, l-UE titlef miljuni ta’ impjiegi kkwalifikati fl-Asja u għalhekk titlef il-ġid u l-kwalità tal-ħajja għall-Ewropej. L-RTI hija l-ġeneratur ewlieni ta’ impjiegi ta’ kwalità futuri. Jekk it-tmexxija teknoloġika f’ħafna industriji timxi lejn l-Asja, l-impjiegi ta’ kwalità se jiċċaqalqu wkoll lejn l-Asja.

2.5.

Anke l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) diġà ħareġ Opinjoni dwar il-Patt u ż-ŻER il-ġdida. L-ERC ukoll jisħaq b’mod ċar ħafna li l-UE qed taqa’ lura meta mqabbla mal-Asja, speċjalment maċ-Ċina, fir-rigward tal-RTI, billi jgħid li l-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jista’ jkun l-aħħar opportunità biex l-UE tilħaq l-għanijiet taż-ŻER oriġinali biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala mexxejja fir-riċerka u l-innovazzjoni (3).

2.6.

Iċ-Ċina mhux biss qabżet lill-UE fir-rigward tal-produzzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp u l-produzzjoni fil-privattivi iżda, għal madwar ħames snin, ħadet ukoll b’mod aggressiv ir-rwol ta’ protagonista globali fl-istabbiliment ta’ standards teknoloġiċi tal-industrija. Għal ħafna għexieren ta’ snin, l-Istati Uniti u l-Ewropa kienu monopolizzaw l-istabbiliment ta’ standards tal-industrija. L-istabbiliment tal-istandards tal-industrija tat-teknoloġija għandu rwol b’saħħtu ħafna fl-RTI globali, li jfisser li n-nazzjon li jistabbilixxi dawn l-istandards għandu vantaġġ kompetittiv. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri ċari fil-Patt, biex iżżomm il-pożizzjoni b’saħħitha tal-Ewropa fl-istabbiliment ta’ standards globali tal-industrija tat-teknoloġija.

2.7.

Il-KESE jqis li, fid-dawl tal-investimenti kbar fl-RTI fl-Asja (iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, eċċ.), l-UE trid tħaffef b’mod sostanzjali l-isforzi tagħha fir-riċerka u l-Innovazzjoni, speċjalment fir-rigward tat-trasformazzjoni rapida tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi. Rapport tal-KE ppubblikat dan l-aħħar, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp Industrijali tal-UE tal-2021, juri li ċ-Ċina żiedet l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp mill-2020 sal-2021 b’18,1 %, l-Istati Uniti żiedet l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp mill-2020 sal-2021 b’9,1 %, filwaqt li l-UE27 naqset l-investimenti tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp b’2,2 %. Il-miżuri tal-UE biex titħaffef ir-riċerka u l-innovazzjoni jridu jindirizzaw lill-kumpaniji multinazzjonali li għandhom il-kwartieri tagħhom fl-UE, kif ukoll lill-MSMEs, peress li l-MSMEs ukoll, huma mhedda mill-kompetizzjoni mill-Asja u peress li l-biċċa kbira tat-tkabbir fl-impjiegi fl-Ewropa ġej mill-MSMEs u min-negozji ġodda, u mhux mill-intrapriżi l-kbar.

2.8.

Il-KESE jilqa’ s-sejħa ċara li saret fil-Patt għal approfondiment taż-ŻER, jiġifieri l-bidla mill-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali għall-integrazzjoni aktar profonda ta’ dawn il-politiki, kif ukoll is-sejħa tiegħu biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. S’issa, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE 27 twettqu prinċipalment f’sajlos tax-xogħol paralleli. Dawn is-sajlos issa jridu jiġu konnessi permezz ta’ “pajpijiet ta’ komunikazzjoni” enormi li, fil-fehma tal-KESE, iridu jkunu wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Patt. Il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni huma l-forzi ewlenin li jixprunaw ir-riċerka u l-innovazzjoni.

2.9.

Kif ġie rrimarkat fiż-ŻER il-ġdida, kif ukoll fil-Patt, l-UE tassew teħtieġ viżjoni ġdida, jiġifieri Patt Ġdid għaż-ŻER tal-UE. B’“aktar mill-istess” biss bħall-istrateġija antika tagħha tal-RTI, l-UE se tkompli taqa’ lura wara l-Istati Uniti u l-Asja (iċ-Ċina, il-Korea, eċċ.) fir-riċerka u l-innovazzjoni.

2.10.

Ħafna studji jikkonkludu li t-trasferiment tal-għarfien fir-riċerka u l-innovazzjoni jaħdem primarjament permezz tal-kapijiet, jiġifieri permezz tar-rotazzjoni tal-impjiegi bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll bejn l-Istati Membri tal-UE fuq skala kbira ħafna. Il-KESE jirrakkomanda żieda kbira fit-trasferiment tal-għarfien permezz tal-kapijiet, jiġifieri rotazzjonijiet tal-impjiegi u programmi ta’ mobilità tar-riċerkaturi fi ħdan l-UE 27 fuq skala kbira. It-trasferiment tal-għarfien fir-riċerka u l-innovazzjoni ma jaħdimx permezz ta’ dokumenti kbar: wieħed ma jistax jittrasferixxi l-għarfien ta’ ħidma ta’ ħames snin fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ kwalunkwe riċerkatur permezz ta’ rapport ta’ riċerka u żvilupp ta’ 500 paġna.

2.11.

Il-Patt jirreferi għall-pjani direzzjonali dwar it-teknoloġija taż-ŻER. Skont l-għarfien attwali tal-KESE, huwa disponibbli pjan direzzjonali taż-ŻER għall-2015-2020, iżda l-KESE mhuwiex konxju ta’ pjan direzzjonali dwar it-teknoloġija taż-ŻER li jmur lil hinn mill-2020. L-istrateġiji tat-teknoloġija jridu jiġu ppjanati fit-tul, peress li teknoloġija ġdida ma sseħħx mil-lum għall-għada. Il-pjani direzzjonali dwar it-teknoloġija jeħtieġu mill-inqas 10 snin bħala perjodu ta’ tħejjija. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjani direzzjonali dwar it-teknoloġija fuq terminu medju (2020-2030) u fit-tul (2020-2050) wara l-pubblikazzjoni taż-ŻER il-ġdida.

2.12.

Il-KESE jilqa’ r-referenza għall-importanza kbira tal-hekk imsejjaħ “trijangolu tal-għarfien” (Edukazzjoni Għolja, Riċerka Bażika u Applikata, Kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġija ġdida mill-Industrija) (4).

2.13.

Il-KESE jemmen li, filwaqt li huwa minnu li r-riċerka u l-edukazzjoni (għolja) huma xprunaturi ewlenin tal-ħolqien tal-għarfien, mhumiex l-ixprunatur ewlieni għall-innovazzjoni. L-innovazzjoni — skont id-definizzjoni — tfisser il-konverżjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u negozji innovattivi. Mhuwiex il-kompitu tal-universitajiet jew tal-istituti tar-riċerka li jiżviluppaw prodotti u negozji innovattivi. F’dan il-paragrafu, l-intrapriżi, speċjalment in-negozji ġodda u l-imprendituri, huma neqsin u r-rwol importanti tagħhom fil-proċess tal-innovazzjoni għandu jiżdied hawnhekk. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (EIT KIC) u skemi oħra ta’ innovazzjoni għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest.

2.14.

Skont il-famuża dijagramma tal-Professur Ansoff, parti żgħira biss mill-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp (inqas minn madwar 25 %) eventwalment jipproduċu prodotti tekniċi ta’ suċċess fis-suq. Għalhekk, enfasi ewlenija fil-Patt u l-Istrateġija tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE għandha tkun l-effettività u l-effiċjenza tar-riċerka u l-innovazzjoni. Jekk, b’mezzi intelliġenti biex jiġu żgurati l-effettività u l-effiċjenza tar-riċerka u l-innovazzjoni, ir-rata ta’ suċċess tagħha tista’ tiżdied minn 25 % għal pereżempju 28 %, dan ikun suċċess enormi għall-Ewropa. L-effettività u l-effiċjenza tar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li tinżamm il-pretensjoni qawwija tal-UE għall-eċċellenza fir-riċerka, jistgħu wkoll iħaffu b’mod sostanzjali r-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa, li hija meħtieġa b’mod urġenti.

2.15.

Fir-rigward tal-Valuri u l-Prinċipji, il-KESE jaqbel li l-valuri ddikjarati f’dan il-kapitolu huma importanti, iżda biex l-UE ma tibqax taqa’ lura mal-Istati Uniti u mal-Asja fil-kompetizzjoni globali fil-qasam tar-iċerka u l-innovazzjoni, huma meħtieġa prinċipji addizzjonali. Huwa stipulat fiż-ŻER il-ġdida li l-UE trid tħaffef il-konverżjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti u servizzi innovattivi għas-swieq globali. Dan il-bżonn ta’ tħaffif b’mod urġenti jirrikjedi, fost valuri u kompetenzi oħra, l-intraprenditorija. Ħafna studji globali jissuġġerixxu li l-UE għadha lura b’mod sostanzjali meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja fir-rigward tal-intraprenditorija (eż. fir-rigward ta’ mudelli ta’ negozju diġitali innovattivi).

2.16.

Fir-rigward tal-Ħolqien tal-Valur, il-KESE jaqbel bis-sħiħ dwar l-importanza kbira ħafna tat-trasformazzjoni tal-“għarfien” (jiġifieri r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp) fi prodotti u servizzi innovattivi u sostenibbli. Il-patt jirreferi għar-rwol importanti tar-riċerka bażika fir-rigward tal-ġenerazzjoni ta’ skoperti u għarfien rivoluzzjonarji. Madankollu, il-ħolqien ta’ “valur għall-Ewropa” jeħtieġ aktar milli l-ġenerazzjoni ta’ skoperti rivoluzzjonarji: Hemm — sfortunatament — bosta eżempji li fihom ir-riċerkaturi Ewropej kienu qed jiġġeneraw skoperti rivoluzzjonarji, iżda l-imprendituri u l-kumpaniji innovattivi mill-Istati Uniti u mill-Asja kienu qed jagħmlu negozju u jagħmlu profitt mir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ewropa u l-impjiegi ġew ittrasferiti mill-Ewropa għall-Istati Uniti u għall-Asja. L-Ewropa ma għandhiex tħalli dan jerġa’ jseħħ.

2.17.

Fil-futur, l-Ewropa għandha tislet mir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ewropa stess il-ħolqien tal-valur, in-negozju u impjiegi ta’ kwalità. Għodda importanti ħafna biex isiru n-negozju, il-profitt u l-impjiegi għall-Ewropa mir-riżultati tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Ewropa huma l-privattivi. L-importanza kbira tad-DPI (Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) għandha tiżdied mal-paragrafu dwar il-Ħolqien tal-Valur u għandha tiġi żviluppata strateġija ċara tad-DPI għall-Ewropa fil-qafas tal-Patt għaż-ŻER il-ġdida. Din il-politika attiva u passiva tal-UE dwar il-privattivi u l-istrateġija tal-privattivi għandhom ikunu akkumpanjati minn strateġija ta’ liċenzji attiva u passiva u sistema ta’ monitoraġġ trasparenti għall-bilanċ nett globali tal-privattivi u tal-liċenzji.

2.18.

Fil-punt 2 tal-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (5), jingħataw l-oqsma ta’ prijorità tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-oqsma ta’ prijorità li ġejjin għas-suġġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni huma mogħtija wkoll fil-COM(2020) 628:

L-intelliġenza artifiċjali

Mikroelettronika

Computing Kwantistiku

5G

Enerġija rinnovabbli

Teknoloġiji tal-idroġenu

Il-mobbiltà intelliġenti u mingħajr l-ebda emissjonijiet

2.19.

Il-KESE jixtieq itenni li, filwaqt li jaqbel li dawn is-seba’ oqsma ta’ prijorità (6) huma importanti ħafna, għandhom jiżdiedu t-teknoloġiji u s-setturi ewlenin li ġejjin:

Teknoloġiji tal-ispazju;

Ilma nadif u sanitazzjoni,

Materjali ġodda ta’ teknoloġija avvanzata b’potenzjal futur għoli għall-UE, eż. Grafen

Teknoloġiji għall-manifattura tal-prodotti u tal-ikel;

Is-settur tar-riċerka klinika, farmaċewtika u bijoteknoloġija;

Mudelli tan-negozju diġitali b’mod ġenerali;

Teknoloġiji (ħardware u software) għat-tħejjija f’każ ta’ emerġenza (blackouts, tfixkil fil-komunikazzjonijiet diġitali eż. minħabba ċ-ċiberkriminalità eċċ.).

2.20.

L-UE 27 — sfortunatament — qed issofri minn eżodu sinifikanti ta’ mħuħ ta’ riċerkaturi eċċellenti lejn l-Istati Uniti u dejjem aktar lejn l-Asja wkoll. Jeħtieġ li dan l-eżodu ta’ mħuħ jitwaqqaf u għandu jiġi kkonvertit f’kisba ta’ mħuħ. Fost l-oħrajn, il-prinċipji li ġejjin huma importanti ħafna għal prestazzjoni ta’ RTI eċċellenti, minn ta’ quddiem globalment u rapida:

Rikonoxximent u remunerazzjoni ġusta ta’ riċerkaturi eċċellenti fl-UE 27, b’mod partikolari riċerkaturi nisa eċċellenti (ara bilanċ dgħajjef bejn il-ġeneri fl-RTI fl-UE 27).

Komunikazzjoni, Kollaborazzjoni u Kooperazzjoni Effiċjenti (it-tliet “K” importanti tal-innovazzjoni!)

Iż-żieda fil-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali għaċ-ċentri ta’ riċerka u għall-universitajiet, abbażi ta’ proċessi ta’ offerti kompetittivi, u b’hekk jiġi assigurat li “l-aqwa fost l-aqwa” riċerkaturi jiksbu l-flus (mhux finanzjament dirett liċ-ċentri kollha tar-riċerka).

2.21.

Għan ewlieni taż-ŻER il-ġdida tal-UE huwa l-ħolqien tal-valur. Għalhekk, il-KESE jqis li l-paragrafu “Valorizzazzjoni tal-Għarfien” huwa importanti ħafna. F’dan il-paragrafu, hija enfasizzata l-importanza tal-kooperazzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn l-atturi kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan huwa importanti, iżda mhux biżżejjed għall-“Valorizzazzjoni tal-Għarfien”.

2.22.

Kwistjonijiet li huma daqstant importanti għall-ħolqien tal-valur għall-Ewropa huma:

impenn għal konverżjoni rapida tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp fi prodotti, servizzi innovattivi u fl-aħħar mill-aħħar f’valuri, f’negozju, u f’impjiegi ta’ kwalità. Dan jirrikjedi, fost l-oħrajn, kultura ħafna aktar intraprenditorjali fl-Ewropa kif ukoll attitudni pożittiva b’rabta mat-teħid tar-riskji: it-tnedija rapida ta’ prodotti innovattivi dejjem twassal għal riskji wkoll.

Is-slogan magħruf sew “L-ebda riskju, l-ebda gost” isarraf l-innovazzjoni f’“L-ebda riskju, l-ebda negozju, l-ebda impjieg ġdid”;

pjan direzzjonali ċar dwar it-teknoloġija, speċjalment fir-rigward tal-KETs u l-FETs (Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin);

strateġija ċara tad-DPI għaż-ŻER il-ġdida;

2.23.

Fir-rigward tal-“Approfondiment ta’ suq intern li jiffunzjona għalkollox għall-għarfien”, l-għarfien — mingħajr ebda dubju — huwa importanti ħafna, peress li s-seklu 21 huwa s-seklu tal-għarfien. Madankollu, huwa importanti ħafna wkoll li tingħata spinta ġdida lill-produzzjoni tal-hardware kollu fl-Ewropa. Għoxrin sena ilu, l-UE kienet tal-fehma li l-produzzjoni tal-oġġetti setgħet tiġi ttrasferita fl-Asja, filwaqt li r-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-produzzjoni jinżammu fl-Ewropa. Dan irriżulta li kien żball. Ir-riċerka u l-iżvilupp dejjem isegwu l-produzzjoni, xi darba jew oħra. Għalhekk, biex talinqas porzjon tal-produzzjoni u tal-impjiegi relatati tagħha jinġiebu lura mill-Asja għall-Ewropa, l-UE jeħtieġ li tagħmel sforzi kbar. Dan għandu jgħin ukoll fit-tul biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-qgħad, li hija problema partikolarment kbira f’xi pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

2.24.

Lezzjoni li l-Ewropa wkoll tgħallmet mill-pandemija tal-coronavirus: il-produzzjoni ta’ kważi l-mediċini u l-vaċċini bażiċi kollha ċċaqalqet mill-Ewropa għall-Asja f’dawn l-aħħar 20 jew 30 sena. L-Ewropa tilfet is-sovranità tagħha f’ħafna prodotti u mediċini importanti. Il-mikroċipep huma eżempju ieħor fejn l-industrija Ewropea, speċjalment l-industrija tal-karozzi, bħalissa qed tbati ħafna. Eżempji oħra fejn l-Ewropa — sfortunatament — hija kważi kompletament dipendenti mill-Asja huma l-batteriji għall-vetturi elettriċi u t-teknoloġiji tal-idroġenu. (Filwaqt li l-produtturi Ewropej tal-karozzi għadhom qed jesperimentaw bi prototipi ta’ karozzi li jaħdmu bl-idroġenu, Toyota, Honda u Hyundai diġà jipproduċuhom bil-massa u jbigħuhom b’mod regolari). L-Asja hija wkoll minn ta’ quddiem nett bil-bosta fit-teknoloġiji ottiċi, fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni 5G, fl-intelliġenza artifiċjali, fit-tagħlim tal-magni, fir-robotika u f’ħafna KETs u FETs oħra (Teknoloġiji Abilitanti u Futuri Ewlenin). Fil-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Ewropa jeħtiġilha tagħmel il-kisba mill-ġdid tas-sovranità fit-teknoloġiji ewlenin prijorità ċara.

2.25.

L-Ewropa minn naħa qed tiffaċċja l-isfida ta’ qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, speċjalment f’xi pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa u, min-naħa l-oħra, l-isfida ta’ nuqqas ta’ gradwati STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Matematika) bi kwalifiki għolja, speċjalment nuqqas kbir ta’ inġiniera fl-oqsma kollha tal-ICT u d-diġitalizzazzjoni, l-elettromobbiltà u fit-teknoloġiji għall-enerġiji rinnovabbli. Ta’ spiss jintesa li huma primarjament l-inġiniera li jikkonvertu r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp miksuba mir-riċerkaturi fi prodotti tekniċi. Minħabba l-bidliet demografiċi (is-soċjetà tagħna li qed tixjieħ) u minħabba l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Ewropa qed jonqsu milli jattiraw aktar studenti nisa lejn studji tal-inġinerija, din il-problema se tiżdied fil-futur qrib. Naturalment, il-miżuri biex aktar studenti nisa jiġu attirati għall-istudji tal-inġinerija jridu jiżdiedu fl-UE fuq skala kbira. Barra minn hekk, il-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jrid jiġġenera programmi intelliġenti biex jiġu attirati inġiniera bi kwalifiki għoljin minn pajjiżi terzi. Il-kompetizzjoni globali fil-qasam tal-RTI maż-żmien se tevolvi dejjem aktar fi gwerra globali ta’ talent, u sa issa, l-UE marret ħażin f’din il-gwerra globali tat-talent biex jinstabu t-talenti meta mqabbla, pereżempju, mal-Istati Uniti.

2.26.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jixtieq jirrimarka li l-Patt tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE u ż-ŻER il-ġdida tiegħu għandhom jitfasslu u jiġu implimentati bi qbil mas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom l-objettiv li jiksbu ħajjiet deċenti għal kulħadd fi pjaneta b’saħħitha sal-2030.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (ĠU C 220, 9.6.2021, p. 79).

(2)  COM(2020) 628.

(3)  Sors: https://erc.europa.eu/news/pact-research-innovation-foundations-european-research-area-still-valid-and-unavoidable

(4)  Kif enfasizzat fil-punt 2(h) tal-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (COM (2021) 407). Il-paragrafu (h) jgħid hekk: Ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-edukazzjoni (għolja) huma l-ixprunaturi ewlenin tal-innovazzjoni, tal-ħolqien tal-għarfien, tad-diffużjoni u tal-użu.

(5)  COM(2021) 407

(6)  Kif mogħti f’COM (2020) 628.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Missjonijiet Ewropej”

(COM(2021) 609 final)

(2022/C 275/05)

Relatur:

Paul RÜBIG

Korelatur:

Małgorzata Anna BOGUSZ

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 1.12.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

3.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

214/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Għalkemm il-KESE jqis li l-ħames missjonijiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni huma ta’ prijorità għolja għall-UE, huwa tal-fehma li l-ħames sfidi u objettivi elenkati hawn taħt huma importanti ħafna għall-Ewropa.

L-iżvilupp u t-twettiq ta’ missjonijiet u miżuri biex:

1.

jinżamm il-pass mal-Istati Uniti u l-Asja f’kompetizzjoni globali fl-oqsma tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;

2.

jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mas-soċjetà tal-UE li qed tixjieħ;

3.

jiġu definiti strateġiji għall-integrazzjoni b’suċċess tal-għadd kbir ta’ migranti li jidħlu fl-UE;

4.

tittejjeb it-tħejjija f’każ ta’ emerġenza;

5.

jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ pazjenti b’mard mhux komunikabbli li huma affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, speċjalment dawk li jbatu minn mard kardjovaskulari.

1.2.

Il-Komunikazzjoni telenka u tindirizza ħames missjonijiet ta’ prijorità tal-UE:

1.

L-adattament għat-tibdil fil-klima;

2.

Il-kanċer;

3.

Ir-restawr tal-oċeani u tal-ilmijiet tagħna sal-2030, inkluża s-sanità;

4.

100 belt newtrali għall-klima u intelliġenti sal-2030, inklużi rħula intelliġenti;

5.

Patt dwar il-ħamrija għall-Ewropa.

1.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li jiġu awtonomizzati 150 reġjun b’parametru referenzjarju klimatiku madwar l-Ewropa. Madankollu, dan se jirrikjedi baġit enormi għar-riċerka u l-iżvilupp. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiżdied is-sehem tal-baġits reġjonali tal-UE allokati għar-riċerka u l-iżvilupp miċ-ċifra attwali ta’ 5 % għal minimu ta’ 10 %.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-UE qed tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-kanċer bħala waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti tas-saħħa, u jixtieq iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu passi simili fir-rigward tal-mard kardjovaskulari — li jikkawża l-akbar għadd ta’ mwiet fl-Ewropa u fid-dinja.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-Missjonijiet tal-UE se jagħtu riżultati permezz ta’ rwol ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa, flimkien ma’ approċċ koordinat u komprensiv, u relazzjoni ġdida maċ-ċittadini. Dawn se jimmobilizzaw bis-sħiħ u jinvolvu lil atturi pubbliċi u privati, bħall-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-istituti tar-riċerka, l-imprendituri, u l-investituri pubbliċi u privati, kollha biex joħolqu impatt reali u dejjiemi.

2.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa hija importanti ħafna sabiex jinkisbu l-Missjonijiet tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa’ r-referenza għall-aġenda l-ġdida dwar il-kompetittività industrijali. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-importanza li jitqies l-impatt fuq iċ-ċittadini tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni torbot bis-sħiħ l-attivitajiet mal-politiki soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u tqis b’mod partikolari l-ħtiġijiet speċjali tal-persuni akbar fl-età u taċ-ċittadini vulnerabbli tal-UE.

2.3.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li, filwaqt li l-fokus ewlieni tal-Missjonijiet Ewropej huwa li jinkisbu riżultati għall-UE permezz ta’ rwol ġdid u akbar għar-riċerka u l-innovazzjoni, id-dimensjoni ekonomika (kompetizzjoni globali, impjiegi ta’ kwalità għolja, eċċ.), kif ukoll id-dimensjoni soċjali, għandhom jaqdu rwol ewlieni wkoll f’dawn il-Missjonijiet Ewropej. Fir-rigward tad-dimensjoni soċjali, il-KESE jixtieq jenfasizza li minbarra l-importanza tad-drittijiet soċjali u s-salvagwardja tas-sigurtà soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-impjegati kollha, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi vulnerabbli fl-UE (persuni akbar fl-età, il-persuni morda, eċċ.).

2.4.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li r-riċerka u l-innovazzjoni jitqiesu b’mod ċar bħala l-kwistjoni ewlenija tad-dokument tal-Missjonijiet tal-UE. Il-KESE huwa konvint li sfidi kumplessi li l-UE qed taffaċċja jistgħu jiġu indirizzati primarjament permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.5.

Il-KESE adotta Opinjoni dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni f’Marzu 2021 (1), Opinjoni dwar Il-Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa, fi Frar 2022 (2), u Opinjoni dwar Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE (3). Din l-Opinjoni għandha tiġi kkunsidrata mill-qrib flimkien ma’ dawn it-tliet Opinjonijiet reċenti tal-KESE.

2.6.

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li, minħabba l-isfidi attwali, “it-tkomplija tal-istatus quo ma hijiex għażla”. L-Ewropa teħtieġ “tip ġdid ta’ politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni”: jekk l-UE tkompli bis-soltu strateġija antika tagħha dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, din ma tkunx tista’ tindirizza l-isfidi enormi li qed tiffaċċja, jiġifieri kompetizzjoni ħarxa mill-Asja. Il-KESE irrimarka dan b’mod ċar ħafna fl-Opinjoni tiegħu dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

2.7.

Fir-rigward tal-intrapriżi, il-Komunikazzjoni tgħid li l-Missjonijiet Ewropej se jimmobilizzaw bis-sħiħ u jinvolvu lil partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, bħall-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-istituti tar-riċerka, l-imprendituri u l-investituri pubbliċi u privati, iċ-ċittadini tal-UE u s-soċjetà ċivili, kollha biex joħolqu impatt reali u dejjiemi, billi jitqiesu l-industrija u n-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs).

2.8.

Il-kompetittività tal-industrija tal-UE fir-rigward tat-teknoloġiji għad-dekarbonizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, kif ukoll tal-industrija tal-azzar u industriji intensivi oħra fis-CO2 hija fattur deċiżiv fil-kisba tal-Missjoni 1 tal-UE — “L-adattament għat-tibdil fil-klima”. Jekk l-UE ma tirnexxix, hija se titlef miljuni ta’ impjiegi f’dawn l-industriji.

2.9.

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ukoll li l-Missjonijiet tal-UE għandhom ikunu konsistenti bis-sħiħ mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.10.

Għalkemm il-KESE jqis li l-ħames missjonijiet huma ta’ prijorità għolja għall-UE, huwa jqis li l-ħames sfidi u missjonijiet addizzjonali elenkati fil-kapitolu 4 huma wkoll importanti ħafna għall-Ewropa.

2.11.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità wkoll lill-missjonijiet u l-miżuri li jiġġeneraw impjiegi ġodda u ta’ kwalità għolja, negozji ġodda, introjtu, ġid u kwalità tal-ħajja għolja għaċ-ċittadini tal-UE, bħaż-żamma tal-kompetittività tal-prodotti teknoloġiċi tal-Ewropa kontra kompetizzjoni globali li qed issir dejjem aktar ħarxa (speċjalment maċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, eċċ.).

2.12.

Ammont sostanzjali ta’ impjiegi u ta’ ġid tal-Ewropa jirriżulta mill-esportazzjonijiet tal-prodotti teknoloġiċi tal-Ewropa (karozzi, makkinarju, materjali, eċċ.). Sors importanti ieħor ta’ impjiegi ġodda fl-Ewropa huma l-MSMEs, u n-negozji ġodda innovattivi, in-negozji li qed jespandu, u l-edukazzjoni għolja.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Missjoni 1 — L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima

3.1.1.

It-tibdil fil-klima huwa waħda mill-akbar sfidi għall-umanità fis-seklu 21. Dawk li jfasslu l-politika se jkollhom jantiċipaw il-bidliet li ġejjin sabiex jipproteġu s-setturi u l-gruppi li l-aktar li jinsabu f’riskju, u jeħtieġ li jqisu wkoll l-impjieg.

3.1.2.

Kważi l-miżuri kollha tal-Patt Ekoloġiku se jwasslu għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku, il-fjuwil, it-tisħin domestiku, eċċ. għaċ-ċittadini tal-UE. Dawn iż-żidiet fil-prezzijiet għandhom impatt partikolarment qawwi fuq il-mijiet ta’ miljuni ta’ persuni fl-Istati Membri tal-UE bi dħul baxx u medju, u fuq persuni vulnerabbli b’mod ġenerali, li ħafna drabi huma ċittadini tal-UE bi dħul baxx. Dan ifisser li l-miżuri kollha tal-Patt Ekoloġiku għandhom impatt soċjali sinifikanti u għandhom jiġu ttrattati bir-reqqa. Dawn għandhom iżidu l-prosperità minflok ma jwarrbu lil dawk li jeħtieġu appoġġ biex jindirizzaw il-bidla.

3.1.3.

Eżempji ta’ teknoloġiji ġodda li ċertament se jkollhom rwol importanti ħafna fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 jinkludu:

id-dekarbonizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku;

id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji b’emissjonijiet tas-CO2, eż. l-industrija tal-azzar, l-industrija tas-siment, eċċ.;

il-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju u, pereżempju, l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ;

il-ħżin tal-enerġija elettrika fuq skala kbira ħafna għal spejjeż speċifiċi baxxi;

il-mobbiltà elettronika;

il-grilji intelliġenti u grilji tal-enerġija b’vultaġġ għoli;

il-bliet intelliġenti, eċċ

3.1.4.

Huwa faċli li wieħed jagħmel lista ta’ dawn it-teknoloġiji, iżda l-implimentazzjoni tagħhom hija bla dubju sfida kbira, minħabba l-iskala meħtieġa għas-27 Stat Membru kollha tal-UE kif ukoll fuq livell globali.

3.1.5.

Kwistjoni ewlenija f’din il-kompetizzjoni globali fit-teknoloġiji ġodda se tkun id-disponibbiltà ta’ għadd kbir ta’ riċerkaturi u inġiniera. Din hija ċertament sfida kbira għall-Ewropa. Il-pajjiżi fl-Asja żiedu l-għadd ta’ studenti fil-fiżika, fl-ICT u fl-inġinerija b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar 20 sena, filwaqt li ċ-ċifri baqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess fl-Ewropa. Il-Missjonijiet Ewropej m’għandhomx biss jippromovu żieda fl-għadd ta’ dawn l-istudenti, iżda l-UE għandha tippromovi bidla fl-“eżodu ta’ mħuħ” attwali ta’ persuni bi kwalifiki għolja għal “kisba ta’ mħuħ” għall-UE.

3.1.6.

Il-KESE jirrakkomanda ħafna li l-Kummissjoni tiddefinixxi miżuri biex ittejjeb b’mod sostanzjali l-ħiliet bażiċi, kif ukoll iżżid l-għadd ta’ studenti fil-fiżika, fl-ICT u fl-inġinerija, kif ukoll fil-mediċina u l-farmakoloġija fl-Ewropa fl-20 sena li ġejjin. Mingħajr din il-fiduċja fil-moħħ tal-inġinerija, l-Ewropa se tkompli taqa’ lura fit-teknoloġiji kollha meħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

3.2.   Missjoni 2 — Il-Kanċer

3.2.1.

L-UE-27 qed tesperjenza għal għadd dejjem akbar ta’ każijiet ta’ kanċer. L-UE-27 jeħtiġilha taħdem flimkien biex ittejjeb id-dijanjożi, it-terapija, l-aċċess għal mediċini personalizzati, it-trattament u l-prevenzjoni — kif diġà ġie enfasizzat fl-Opinjoni tal-KESE ta’ Ġunju 2021 dwar Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer (4). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li r-riċerka għall-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer ġiet imniżżla bħala waħda mill-ħames Missjonijiet tal-UE.

3.2.2.

Il-KESE jixtieq jenfasizza b’mod ċar li waħda mill-aktar sfidi diffiċli se tkun li jiġu eliminati d-disparitajiet fl-aċċess għat-trattament tal-kanċer bejn il-pajjiżi individwali. Il-KESE jirrakkomanda li jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli fl-UE.

3.2.3.

Kif diġà ġie deskritt fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, l-aċċess għall-aktar terapiji innovattivi u l-introduzzjoni ta’ kampanji ta’ tilqim li se jippermettulna nnaqsu l-għadd ta’ kanċers ikkawżati minn infezzjonijiet virali għandhom rwol uniku hawnhekk.

3.2.4.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ aktar attiv lejn il-prevenzjoni tal-kanċer okkupazzjonali. Kif ġie enfasizzat fl-Opinjoni dwar Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, il-KESE jappella għal aktar riċerka dwar l-esponiment okkupazzjonali għall-karċinoġeni, il-mutaġeni u l-interferenti endokrinali, u l-kawżi tal-kanċers okkupazzjonali.

3.2.5.

Il-KESE jixtieq jisħaq li l-imsieħba soċjali, il-gruppi li jirrappreżentaw lill-pazjenti, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol indispensabbli fit-tixrid tal-aħjar prattiki u fl-għoti ta’ informazzjoni rilevanti — dwar il-kawżi tal-kanċer u dwar kwistjonijiet speċjali relatati mal-ġeneru jew il-gruppi vulnerabbli, pereżempju.

3.3.   Missjoni 3 — Ir-restawr tal-Oċean u tal-Ilmijiet tagħna sal-2030

3.3.1.

L-ilma nadif huwa ta’ importanza kbira għaċ-ċittadini, l-agrikoltura u l-industrija tas-sajd tal-UE. Għal darb’oħra, ir-riċerka u t-teknoloġiji tal-ilma nadif, inklużi t-tħaffir għall-ilma mormi, is-sanità u t-trattament tad-drenaġġ huma kruċjali għal din il-Missjoni.

3.3.2.

Barra minn hekk, l-aċċess għall-ilma nadif għadu kwistjoni għal ħafna ċittadini. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta legalment id-dritt tal-bniedem għall-ilma u għas-sanità.

3.4.   Missjoni 4 — 100 Belt Newtrali għall-Klima u Intelliġenti sal-2030

3.4.1.

Aktar minn 65 % tal-popolazzjoni globali tgħix fi bliet kbar, u dan il-perċentwal qed jikber. Dawn il-bliet kbar joħolqu sfidi dejjem akbar f’termini ta’ infrastruttura (provvista tal-ilma u drenaġġ, trasport, provvista tal-enerġija, eċċ.) u kwalità tal-ħajja. Ħafna mill-isfidi jistgħu jiġu solvuti biss permezz tar-riċerka u soluzzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata. Fil-futur se jkunu meħtieġa inġiniera b’livell għoli ta’ ħiliet biex jippjanaw dawn il-bliet u l-irħula intelliġenti tat-teknoloġija avvanzata.

3.4.2.

Il-proporzjon ta’ persuni akbar fl-età fil-bliet qed jikber b’rata mgħaġġla (“soċjetà li qed tixjieħ”). Il-persuni akbar fl-età u l-persuni vulnerabbli għandhom ħtiġijiet differenti miż-żgħażagħ: dawn jeħtieġu aktar kura medika, kura soċjali, eċċ. Minħabba l-bidla demografika fis-soċjetà, mhux se jkun hemm biżżejjed żgħażagħ biex jipprovdu dawn is-servizzi kollha fil-futur qrib, li jfisser li xi wħud minn dawn is-servizzi għall-persuni akbar fl-età se jkollhom jingħataw permezz ta’ soluzzjonijiet intelliġenti (eż. robots).

3.4.3.

Ħafna emerġenzi f’dawn l-aħħar snin urew li s-soċjetajiet moderni huma relattivament vulnerabbli, u b’hekk iż-żieda tat-“tħejjija għall-emerġenzi” permezz tar-riċerka u l-iżvilupp hija importanti ħafna:

id-diżastri fl-impjanti tal-enerġija nukleari f’Fukushima, Chernobyl, Three Mile Island eċċ.;

il-blackouts tal-elettriku u l-blackouts tal-komunikazzjoni;

in-nuqqas ta’ sorsi tal-enerġija u ż-żidiet qawwija fil-prezz ta’ dawn is-sorsi kollha, inkluż il-gass naturali;

il-maltempati bir-ragħad u l-għargħar enormi, b’bosta mijiet ta’ persuni li jmutu;

pandemiji, bħall-pandemija tal-COVID-19, il-marda tal-virus Zika, u pandemiji futuri;

l-attakki ċibernetiċi (bid-diġitalizzazzjoni li qed tikber bil-kbir fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, tal-ħajja privata u tan-negozju, it-theddida ta’ attakki ċibernetiċi qed tikber b’mod rapidu).

3.4.4.

Fit-8 ta’ Jannar 2021, l-Ewropa tal-Lvant u tan-Nofsinhar għal ftit ma għaddietx minn blackout tal-enerġija kbir. Il-kawża ewlenija għall-vulnerabbiltà dejjem akbar tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa hija s-sehem dejjem akbar ta’ enerġija elettrika rinnovabbli mhux prevedibbli u mhux ippjanata, bħat-turbini tar-riħ u l-enerġija solari. L-Ewropa mhijiex imħejjija sew għall-blackouts: fil-każ ta’ blackout, il-provvista tal-enerġija lill-unitajiet domestiċi privati u lill-industrija tinqata’ minnufih, il-komunikazzjoni tinqata’ fi ftit minuti jew sigħat, il-provvista tal-ilma tax-xorb tinqata’ fi żmien qasir eċċ. L-irkupru minn blackout kbir tal-elettriku mhuwiex kompitu faċli.

3.5.   Missjoni 5 — Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa

3.5.1.

Flimkien ma’ ilma nadif, kif imsemmi hawn fuq, ħamrija b’saħħitha biex jikbru l-ingredjenti bażiċi għall-ikel hija waħda mill-aktar riżorsi importanti għall-kreaturi ħajjin kollha, inklużi l-bnedmin u l-annimali. Il-popolazzjoni globali qed tikber: sa tmiem is-seklu se jkun meħtieġ li nitimgħu madwar 10 biljun persuna fuq bażi sostenibbli. L-ikel u l-biedja konvenzjonali huma wieħed mis-sorsi ewlenin tal-gassijiet serra tas-CO2 u tal-metan. Dan ifisser li ammont kbir ta’ riċerka u żvilupp huwa meħtieġ biex issir riċerka u tiġi żviluppata agrikoltura newtrali għall-klima għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel għall-10 biljun persuna li jgħixu fid-dinja. Bħalissa, madwar 10 % tal-baġit tal-UE għall-agrikoltura u l-biedja jintefaq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp; il-KESE jirrakkomanda li din iċ-ċifra tiżdied għal minimu ta’ 20 % biex jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp għal teknoloġiji ġodda u sostenibbli tal-biedja, inkluża b’mod partikolari r-robotika fit-teknoloġiji tal-biedja u fl-ikel.

4.   Ħames missjonijiet addizzjonali

4.1.

Għalkemm il-KESE jqis li l-ħames missjonijiet elenkati fil-Komunikazzjoni huma ta’ prijorità għolja għall-UE, huwa jemmen li l-5 sfidi u missjonijiet elenkati hawn taħt huma wkoll ta’ importanza kbira.

4.2.   Missjoni addizzjonali tal-UE 1 — Iż-żamma tal-pass mal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Asja fil-kompetizzjoni globali fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

4.2.1.

Huwa importanti li jiġu definiti u segwiti l-missjonijiet u l-miżuri biex jiġi evitat li l-UE taqa’ wara l-Asja fir-riċerka, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni, u fil-privattivi, speċjalment meta mqabbla maċ-Ċina u mal-Korea t’Isfel. Huwa fatt li l-UE ilha taqa’ lura wara ċ-Ċina u l-Korea t’Isfel fir-rigward tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, b’pass dejjem akbar minn madwar is-sena 2000 ’l hawn (5).

4.2.2.

Jekk l-UE tkompli taqa’ lura wara l-Istati Uniti u l-Asja fir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, l-Ewropa se titlef miljuni ta’ impjiegi u ġid konsiderevoli fit-tul (20 sa 50 sena). In-nuqqas tal-UE27 huwa tassew kritiku, speċjalment fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali (KETs), u fit-teknoloġiji futuri u emerġenti (FETs), bħall-intelliġenza artifiċjali, it-tagħlim awtomatiku, l-apprendiment profond, ir-robotika, l-inġinerija ġenetika, it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni (eż. il-5G), il-manifattura taċ-ċipep tal-kompjuter, il-manifattura ta’ komponenti ewlenin għall-mobbiltà elettronika (eż. il-batteriji, iċ-ċelluli tal-fjuwil u l-idroġenu), eċċ. Il-materjali ġodda dejjem kienu u dejjem se jkunu xprunatur għall-innovazzjoni: pereżempju, l-innovazzjoni tal-grafen u l-espansjoni industrijali tiegħu għandhom potenzjal sostanzjali għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-Ewropa.

4.3.   Missjoni addizzjonali tal-UE 2 — L-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà tal-UE li qed tixjieħ

4.3.1.

Is-soċjetà tal-UE qed tixjieħ b’rata mgħaġġla, u dan se joħloq diversi sfidi ġodda għall-Istati Membri kollha tal-UE.

4.3.2.

Il-persuni akbar fl-età u l-persuni vulnerabbli għandhom ħtiġijiet differenti miż-żgħażagħ: huma jeħtieġu aktar mediċina u mediċina ġdida (għad-dimenzja, għall-marda ta’ Alzheimer, eċċ.), aktar kura medika, aktar kura soċjali, u taħriġ u edukazzjoni speċjali, speċjalment imfassla għall-persuni akbar fl-età u l-persuni vulnerabbli, eċċ.

4.3.3.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni (fil-mediċina, fil-farmaċewtiċi, fix-xjenzi soċjali, fix-xjenzi tal-inġinerija, korsijiet ta’ taħriġ speċjali eċċ.) bla dubju se jkollhom rwol ewlieni biex jgħinu biex tiġi indirizzata s-soċjetà tal-UE li qed tixjieħ.

4.3.4.

Is-soċjetà kollha kemm hi teħtieġ strateġija Ewropea ambizzjuża għall-kura.

4.4.   Missjoni addizzjonali tal-UE 3 — Strateġiji għall-integrazzjoni b’suċċess tal-għadd kbir ta’ migranti li jidħlu fl-UE

4.4.1.

Jeħtieġ li l-UE tiżviluppa missjonijiet u miżuri għall-integrazzjoni tal-għadd kbir ta’ migranti fl-Istati Membri tal-UE. Peress li l-UE hija soċjetà li qed tixjieħ malajr, teħtieġ aktar żgħażagħ u persuni b’edukazzjoni tajba. Għalhekk, huma meħtieġa kunċetti innovattivi għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-migranti. Ir-riċerka soċjoekonomika tista’ tgħin fl-iżvilupp ta’ fehim aħjar ta’ dak li huwa meħtieġ għall-integrazzjoni b’suċċess ta’ dawn il-miljuni ta’ nies.

4.5.   Missjoni addizzjonali tal-UE 4 — Tħejjija f’każ ta’ Emerġenza

4.5.1.

It-tħejjija f’każ ta’ emerġenza tinvolvi l-iżvilupp u t-twettiq ta’ missjonijiet u miżuri biex tiġi ssalvagwardjata provvista stabbli tal-enerġija u biex jiġu evitati l-blackouts tal-elettriku, filwaqt li tiġi dekarbonizzata s-sistema tal-enerġija tal-UE. F’dan ir-rigward, ara l-punt 3.4.4, li jindirizza l-kwistjoni tat-tħejjija f’każ ta’ emerġenza, speċjalment l-isfida tal-blackouts tal-elettriku u tal-qtugħ tal-komunikazzjoni. Għal darb’oħra, ir-riċerka u l-innovazzjoni, primarjament fix-xjenzi tal-inġinerija, huma ċ-ċavetta biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

4.5.2.

Sfidi oħra ta’ emerġenza jinkludu għargħar, nixfiet, pandemiji, iżda wkoll sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ekonomika, eż. l-imblukkar tal-ktajjen tal-provvista globali (eż. l-imblukkar tal-Kanal ta’ Suez fl-2021, eċċ.)

4.6.   Missjoni addizzjonali tal-UE 5 — L-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-pazjenti b’mard mhux komunikabbli milquta mill-pandemija tal-COVID-19, speċjalment dawk li jbatu minn mard kardjovaskulari — li jikkawża l-akbar għadd ta’ mwiet fl-Ewropa u fid-dinja.

4.6.1.

Wara l-pandemija, hemm bżonn ta’ aktar enfasi fuq il-mard mhux komunikabbli. Fl-UE, hemm 60 miljun persuna li jgħixu b’mard kardjovaskulari — li jikkawża l-akbar għadd ta’ mwiet fost iċ-ċittadini Ewropej. Fis-snin meta l-COVID-19 ma kinitx preżenti, il-mard kardjovaskulari kien l-aktar kawża komuni ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati fl-UE. Matul il-pandemija, ħafna minn dawn il-pazjenti ġew dijanjostikati tard wisq jew ma kellhom l-ebda ċans li jiġu dijanjostikati.

4.6.2.

Għandna nanalizzaw id-dimensjoni tal-ekwità tas-saħħa fl-UE, u b’hekk nappoġġjaw it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, inklużi aspetti tal-mediċina bbażata fuq il-ġeneru. Billi tiffoka fuq il-promozzjoni u l-prevenzjoni, din l-inizjattiva għandha tappoġġja wkoll għarfien u data aħjar, skrinjar u detezzjoni bikrija, dijanjożi u ġestjoni tat-trattament, u l-kwalità tal-ħajja tal-pazjent. Objettiv ieħor għandu jkun li l-pajjiżi tal-UE jikkondividu l-aħjar prattiki, jiżviluppaw linji gwida, u jintroduċu approċċi innovattivi. Dan ifisser ukoll li l-UE għandha telenka missjoni Ewropea oħra — li tibni sistemi tal-kura tas-saħħa li jkunu aktar reżiljenti għall-pandemiji fir-rigward tal-mard kardjovaskulari, f’konformità mal-isforzi tal-missjoni tal-kanċer, billi fl-aħħar mill-aħħar tindirizza ż-żewġ mardiet mhux komunikabbli bl-ogħla piż fuq il-popolazzjoni Ewropea. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi indirizzat mard ieħor, speċjalment dak li għandu impatt qawwi fuq il-PDG Ewropew — eż. kundizzjonijiet muskoloskeletali.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 79

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa (COM(2021) 407 final – final 2021/230 (NLE)) (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 24).

(3)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 59.

(4)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 76.

(5)  Id-dettalji jistgħu jinqraw eż. fir-rapporti tal-STI tal-OECD tal-2015 u l-2017.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2001/20/KE u 2001/83/KE fir-rigward ta’ derogi minn ċerti obbligi li jikkonċernaw id-disponibbiltà ta’ ċerti prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta”

[COM(2021) 997 final — 2021/0431 (COD)]

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 536/2014 fir-rigward ta’ deroga minn ċerti obbligi li jikkonċernaw prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni magħmula disponibbli fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta”

[COM(2021) 998 final — 2021/0432 (COD)]

(2022/C 275/06)

Relatur:

Martin SCHAFFENRATH

Konsultazzjoni

(a)

Parlament Ewropew, 20.1.2022

(b)

Kunsill, 3.2.2022

Bażi legali

(a)

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(b)

Artikoli 114 u 168(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

3.2.2022

Adottata fil-plenarja

24.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

180/0/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-provvista kontinwa ta’ prodotti mediċinali ta’ kwalità għolja, effettivi u sikuri għall-użu mill-bniedem hija kruċjali biex jiġi żgurat l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-pazjenti. Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-pakkett ta’ miżuri preżentati mill-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta’ Diċembru 2021 bil-għan li, minn naħa waħda, tiġi żgurata l-provvista fit-tul mingħajr interruzzjoni tal-prodotti mediċinali mir-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq u, min-naħa l-oħra, li jiġu eliminati fil-pront l-ostakli fin-nuqqas tal-provvista li jeżistu f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta, li wħud minnhom huma kkważati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

1.2.

Il-KESE jagħraf li l-Istati Membri iżgħar tal-UE, b’mod partikolari Ċipru, l-Irlanda u Malta, kienu storikament dipendenti ħafna mill-provvista ta’ prodotti mediċinali u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni mir-Renju Unit.

1.3.

Il-KESE jqis li l-bidliet fil-pakkett ta’ miżuri li jintroduċu derogi minn ċerti obbligi li jikkonċernaw prodotti mediċinali u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni disponibbli fir-Renju Unit b’rabta mal-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta jagħmlu sens minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-kundizzjonijiet ta’ qafas assoċjati u għalhekk huma appoġġjati bis-sħiħ mill-KESE.

1.4.

Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari r-rwol ċentrali ta’ suq uniku li jiffunzjona, ġust u effiċjenti. L-ogħla prijorità trid tkun il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-prodotti mediċinali u l-prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti konċernati. Fl-istess ħin, il-KESE jilqa’ wkoll ir-rekwiżiti dwar l-imballaġġ għall-prodotti tar-Renju Unit inklużi fil-pakkett ta’ miżuri biex jiġi evitat imballaġġ mill-ġdid addizzjonali, li jista’ jwassal għall-irtirar tal-prodotti mediċinali mis-suq tal-Irlanda ta’ Fuq minħabba l-kost addizzjonali u l-kumplessità tal-proċess.

1.5.

Madankollu, fir-rigward tad-derogi temporanji għal Ċipru, l-Irlanda u Malta, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ soluzzjoni f’waqtha u sostenibbli, li għandha tiġi żviluppata bħala parti mill-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, sabiex tiġi żgurata l-kura fit-tul għall-pazjenti fl-Istati Membri msemmija hawn fuq bil-prodotti mediċinali approvati fl-UE.

2.   Kuntest tal-proposti tal-Kummissjoni

2.1.

Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ (1) tar-Renju Unit, prodotti mediċinali mqiegħda fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq irid ikollhom awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq valida mogħtija mill-Kummissjoni (awtorizzazzjonijiet għall-UE kollha) jew mir-Renju Unit għall-Irlanda ta’ Fuq. Dawn l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-prodotti mediċinali. L-importazzjoni ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni minn pajjiżi terzi fl-Unjoni jew fl-Irlanda ta’ Fuq teħtieġ ukoll awtorizzazzjoni għall-produzzjoni u l-importazzjoni. Dawn iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-acquis tal-UE għall-provi kliniċi.

2.2.

Ċipru, l-Irlanda, Malta u l-Irlanda ta’ Fuq minn dejjem kienu dipendenti mill-provvista ta’ prodotti mediċinali, inklużi l-prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni, minn jew permezz ta’ partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, u l-ktajjen ta’ provvista għal dawn is-swieq għadhom ma ġewx adattati kompletament biex jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u s-sitwazzjoni li nbidlet wara l-ħrug tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

2.3.

L-Avviż tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2021 (2) jipprevedi perjodu ta’ preklużjoni ta’ sena (sal-aħħar ta’ Diċembru 2021) għall-kontinwità tal-ittestjar tal-lottijiet u l-produzzjoni/loġistika f’partijiet tar-Renju Unit minbarra l-Irlanda ta’ Fuq sabiex tiġi żgurata l-provvista mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti mediċinali lejn l-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta. Dan l-avviż japplika wkoll għal rekwiżiti ta’ importazzjoni għal prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni biex tiġi żgurata provvista mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti mediċinali lejn l-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta.

2.4.

Minkejja l-perjodu ta’ tranżizzjoni, għadu diffiċli ħafna għal ċerti operaturi ekonomiċi, li bħalissa jinsabu bbażati f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, biex jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Protokoll. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan huma l-ispejjeż ta’ aġġustament li huma għoljin wisq meta mqabbla mad-daqs zġħir tas-suq tal-Irlanda ta’ Fuq, li jirrappreżenta 3 % tas-suq totali tar-Rejnu Unit, u l-loġistika kumplessa li għaliha ma ġie identifikat l-ebda ċentru loġistiku alternattiv vijabbli fl-Irlanda ta’ Fuq.

2.5.

L-għan ta’ dawn il-proposti huwa, li minn naħa waħda jsolvu l-problemi relatati mal-prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem, jevitaw in-nuqqas ta’ mediċini u jiżguraw protezzjoni adegwata tas-saħħa pubblika fl-Irlanda ta’ fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni, sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-provvista tagħhom u għalhekk fuq it-twettiq tal-provi kliniċi awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 536/2014 (3) fl-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE għalhekk jilqa’ dan il-pakkett ta’ miżuri. L-iżgurar tal-provvista ta’ prodotti mediċinali u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika huma tħassib fundamentali tal-Kumitat.

3.2.

Il-KESE jqis il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE bħala proċess kumpless u diffiċli ħafna. Huwa minnu li l-Ftehim ta’ Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (4) u l-protokoll assoċjat dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (5) jirregolaw il-biċċa l-kbira tar-relazzjoni futura bejn iż-żewġ partijiet kontraenti. Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst ta’ sena wera li mhuwiex biżżejjed għall-aġġustament meħtieġ għar-rekwiżiti l-ġodda, sabiex tiġi żgurata provvista mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti mediċinali u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni lejn l-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta, issa trid tittieħed azzjoni mmirata u rapida biex jittaffew l-impatti ekonomiċi u fuq is-saħħa.

3.3.

Il-punti ewlenin tal-pakkett ta’ miżuri, li l-KESE jemmen li għandhom jiġu enfasizzati b’mod partikolari, huma:

il-provvista mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti mediċinali tar-Renju Unit lill-Irlanda ta’ Fuq, sakemm dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

ir-rikonoxximent ulterjuri tal-ittestjar tal-lottijiet minn persuna kwalifikata residenti fir-Renju Unit għajr fl-Irlanda ta’ Fuq, li tkun responsabbli għall-ittestjar tal-lottijiet u l-farmakoviġilanza, sabiex tkompli tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol fil-futur;

l-estensjoni tal-possibbiltà li l-imballaġġ jinżamm għall-Irlanda ta’ Fuq u r-Renju Unit filwaqt li xorta tkun tista’ ssir applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq permezz tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni deċentralizzati jew nazzjonali;

il-miżuri xierqa biex jiġu adattati r-rekwiżiti tal-hekk imsejħa Direttiva-2011/62/UE dwar Prodotti Mediċinali Falsifikati (6) biex tiġi żgurata aktar is-sikurezza tal-prodotti mediċinali fl-Irlanda ta’ Fuq u biex jiġi evitat it-tixrid ta’ dawn il-prodotti mediċinali fil-bqija tal-UE.

3.4.

Fir-rigward tas-suq uniku tal-UE, il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ miżuri trid tiżgura, fiċ-ċirkostanzi kollha, li l-prodotti mediċinali u l-prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni affettwati mir-Renju Unit jibqgħu fl-Irlanda ta’ Fuq u ma jidħlux f’partijiet oħra tas-suq uniku, sakemm ma jkunux ġew awtorizzati minn awtorità nazzjonali kompetenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE. L-istess japplika għall-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin għal Ċipru, l-Irlanda u Malta. Il-prinċipju ewlieni hawnhekk irid ikun li dawn il-prodotti mediċinali u l-prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni jintużaw biss għall-kura ta’ pazjenti residenti f’dawn il-pajjiżi.

3.5.

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-prinċipju tat-trasparenza permezz tal-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti fl-Irlanda ta’ Fuq u l-Istati Membri tal-UE konċernati li jfasslu u jippubblikaw lista ta’ prodotti mediċinali u ta’ prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni rilevanti sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa fl-Unjoni u jipprevjenu li dawn il-prodotti mediċinali jidħlu fi Stati Membri oħra.

3.6.

Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja b’mod partikolari d-derogi proposti fir-rigward tal-hekk imsejħa Direttiva 2011/62/UE dwar Prodotti Mediċinali Falsifikati, li għandhom l-għan li jippermettu lill-manifatturi jkomplu jżommu l-identifikaturi uniċi meħtieġa mill-Unjoni għall-prodotti mediċinali, anki jekk dawn jiġu introdotti fl-Irlanda ta’ Fuq minn Stati Membri oħra tal-UE, filwaqt li jgħaddu mir-Renju Unit, u għal perjodu ta’ tliet snin lejn Ċipru, l-Irlanda u Malta. Bl-istess mod, il-KESE jappoġġja wkoll il-mekkaniżmu previst li permezz tiegħu l-ispiżjari u l-isptarijiet fl-Unjoni (minbarra fl-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Irlanda u Malta) se jkunu infurmati dwar is-sistema ta’ verifika tal-prodotti mediċinali (l-hekk imsejħa European Medicines Verification System), hekk kif prodott mediċinali awtorizzat għall-użu fir-Renju Unit jiġi skennjat għall-Irlanda ta’ Fuq. B’dan il-mod, il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jiġu infurmati b’mod ċar li dan l-imballaġġ ta’ prodott mediċinali, fejn applikabbli, jista’ ma jkunx maħsub għall-bejgħ fl-Unjoni.

3.7.

Bil-ħsieb ta’ kwalunkwe soluzzjoni temporanja biex jiġi żgurat li l-pazjenti fl-Irlanda ta’ Fuq jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk fil-bqija tar-Renju Unit, il-KESE jilqa’ wkoll id-deroga proposta għall-importazzjoni temporanja ta’ prodotti mediċinali ġodda bi privattiva awtorizzati fir-Renju Unit, sakemm l-Unjoni tkun tat ukoll l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jemmen li t-tħassib kollu tal-partijiet ikkonċernati tqies bis-sħiħ biex tiġi żgurata l-provvista mingħajr interruzzjoni ta’ prodotti mediċinali u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni lill-Irlanda ta’ Fuq u Stati Membri iżgħar ikkonċernati. Madankollu, il-KESE jipproponi ftit kjarifiki hawn taħt li jistgħu jiġu inklużi fil-linji gwida li jakkumpanjawhom.

4.2.

Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-Premessa 7 tal-proposta għal Direttiva, li fiha kjarifika importanti rigward iż-żamma tar-rekwiżiti regolatorji għall-ittestjar tal-lottijiet u l-farmakoviġilanza fir-Renju Unit għall-esportazzjoni lejn l-Irlanda ta’ Fuq. Huwa importanti li jiġi ċċarat li kwalunkwe funzjoni regolatorja mwettqa f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fir-Renju Unit tista’ tintuża fl-Irlanda ta’ Fuq kemm għal awtorizzazzjonijiet nazzjonali attwali u futuri, kif ukoll awtorizzazzjonijiet permezz tal-proċedura deċentralizzata jew il-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku. Dan irid ikun inkorporat sew kemm fil-proposta għal Direttiva kif ukoll fil-linji gwida korrispondenti.

4.3.

Il-KESE jiġbed attenzjoni partikolari għall-Artikolu 2 propost mill-Kummissjoni Ewropea tal-proposta għal Direttiva (l-introduzzjoni ta’ Artikolu 5a fid-Direttiva 2001/83/KE) fir-rigward tad-derogi minn ċerti obbligi b’rabta ma’ ċerti prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem disponibbli fir-Renju Unit. Fiċ-ċirkostanzi kollha, huwa importanti li jiġi żgurat li l-prodotti mediċinali affettwati esportati mir-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq (u għall-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin lejn Ċipru, l-Irlanda u Malta) jibqgħu f’dawk is-swieq u ma jispiċċawx fis-suq f’partijiet oħra tas-suq uniku.

4.4.

Il-KESE jara ħtieġa ulterjuri għal kjarifika fir-rigward tal-kontroll tal-kwalità previst fl-Artikolu 2(4) tal-proposta għal Direttiva (li temenda l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2001/83/KE) fejn il-prodotti mediċinali li huma awtorizzati permezz tal-proċedura ċentralizzata tal-Unjoni iżda manifatturati fir-Renju Unit (minbarra l-Irlanda ta’ Fuq) minflok fi Stat Membru tal-UE u importati minn hemm direttament fl-Irlanda ta’ Fuq.

4.5.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll kjarifika ulterjuri fir-rigward tal-Artikolu 2(5) tal-proposta għal Direttiva (li temenda l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2001/83/KE) dwar il-ħtieġa li kumpanija stabbilita f’parti tar-Renju Unit, għajr l-Irlanda ta’ Fuq, ikollha awtorizzazzjoni għad-distribuzzjoni bl-ingrossa għall-esportazzjoni/importazzjoni lejn l-Irlanda ta’ Fuq. Ta’ min jinnota li għandu jibqa’ jkun possibbli li prodotti mediċinali jiġu importati minn faċilità fir-Renju Unit lejn l-Irlanda ta’ Fuq b’awtorizzazzjoni għad-distribuzzjoni bl-ingrossa maħruġa minn awtorità tar-Renju Unit.

4.6.

Il-Kumitat jappoġġja wkoll l-Artikolu 2(9), li jippermetti li l-persuna kwalifikata responsabbli għall-ittestjar tal-lottijiet u l-farmakoviġilanza f’kumpanija tibqa’ f’partijiet tar-Renju Unit, għajr l-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, il-KESE jappella għal kjarifika ulterjurital-applikazzjoni prattika ta’ din l-iskema, possibbilment fil-linji gwida ta’ akkumpanjament.

4.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li huwa partikolarment importanti li ssir distinzjoni ċara bejn il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2021 (7), li temporanjament tippermetti lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkomplu jfornu prodotti mediċinali u prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni lill-Irlanda ta’ Fuq, u d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-pakkett ta’ miżuri. L-Unjoni hija mitluba tiżgura grad għoli ta’ ċertezza legali għad-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, għall-bejjiegħa bl-ingrossa u għall-ispiżjari matul dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn id-deroga msemmija hawn fuq u l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-emendi mid-Direttiva jew Regolament propost.

Brussell, l-24 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(2)  Avviż tal-Kummissjoni – L-applikazzjoni tal-acquis farmaċewtiku tal-Unjoni fi swieq li tradizzjonalment jiddependu fuq il-provvista ta’ mediċini minn jew permezz tal-Gran Brittanja wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (ĠU C 27, 25.1.2021, p. 11).

(3)  Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1).

(4)  Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14).

(5)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(6)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 74.

(7)  Avviż tal-Kummissjoni – L-applikazzjoni tal-acquis farmaċewtiku tal-Unjoni fi swieq li tradizzjonalment jiddependu fuq il-provvista ta’ mediċini minn jew permezz tal-Gran Brittanja wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (ĠU C 27, 25.1.2021, p. 11).


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21”

(COM(2021) 251 final)

(2022/C 275/07)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 1.7.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

8.6.2021

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/00/07

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tant mistennija tal-Kummissjoni għall-istrateġija dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi għas-seklu 21. Il-KESE jappoġġja u japprezza bis-sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni qed tallinja l-ħidma tagħha mad-diskussjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali.

1.2.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-investimenti transfruntiera u li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-intrapriżi, filwaqt li l-ekonomija Ewropea ssir aktar ekoloġika u aktar diġitalizzata.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġja l-Istrateġija ta’ Rkupru (1), b’kunsiderazzjoni tal-Opinjoni tal-KESE Pakkett għal tassazzjoni ġusta u sempliċi (2).

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-approvazzjoni mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 tal-ftehim iffirmat fit-8 ta’ Ottubru 2021 minn 136 mill-140 pajjiż fil-Qafas Inklużiv biex tintlaħaq soluzzjoni ta’ pakkett globali u bbażat fuq il-kunsens dwar kif għandhom jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi. Fl-istess ħin, il-KESE jissottolinja l-effetti tal-kumplessità ta’ tali objettivi ambizzjużi, u jappella għal implimentazzjoni uniformi, u miftiehma u kkoordinata fil-livell globali tal-Pilastri 1 u 2 (il-pakkett).

1.5.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-pakkett dwar it-tassazzjoni jiġi implimentat kemm fl-UE kif ukoll, fl-istess ħin, f’pajjiżi msieħba kummerċjali ewlenin. Jekk il-Pilastru 1 ma jiġix implimentat fl-Istati Uniti u msieħba kummerċjali ewlenin oħra fl-istess ħin, l-intrapriżi Ewropej jistgħu jkunu fi żvantaġġ kompetittiv.

1.6.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li jkun hemm eżattament l-istess regoli fl-Ewropa dwar il-Pilastru 2 u t-taxxa minima korporattiva effettiva, bħar-regoli kumplessi miftiehma li tfasslu fil-ftehim globali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iħallu biżżejjed żmien biex test finali miftiehem ikun disponibbli qabel ma tiġi adottata direttiva.

1.7.

Il-kalkolu tar-rata tat-taxxa effettiva huwa maħsub li jiddetermina jekk ir-rata tat-taxxa effettiva ta’ grupp ta’ intrapriżi multinazzjonali (Grupp MNE) partikolari hijiex ogħla jew inqas mir-rata minima tat-taxxa fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni inkunsiderazzjoni. Il-KESE jissottolinja li r-rekwiżiti għall-kalkolu tar-rati tat-taxxa effettivi jridu jsegwu l-approċċ miftiehem fil-livell globali, sabiex l-ispejjeż amministrattivi ma jiżdidux.

1.8.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jippermettu li t-telf jiġi kkumpensat permezz ta’ riport lura.

1.9.

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma li l-għanijiet tagħhom huma l-ħasil tal-flus, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u korporazzjonijiet, u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar proposta konkreta li tindirizza l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma.

1.10.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq Kwota ta’ Tnaqqis ta’ Predispożizzjoni Favur id-Dejn (Debt Equity Bias Reduction Allowance — DEBRA). L-investimenti f’teknoloġija aktar ekoloġika ġdida huma marbuta ma’ riskju għoli għall-investituri. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma huwa partikolarment importanti, u jeħtieġ li jiġi indirizzat l-preġudizzju inerenti kontra l-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma inkorporat fis-sistemi tat-taxxa.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-qafas imsejjaħ L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (Business in Europe Framework for Income Taxation — BEFIT) b’ġabra unika tar-regoli tat-taxxa korporattiva, u jistenna bil-ħerqa li jkun jista’ jeżamina proposta dettaljata.

1.12.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza sitwazzjonijiet ta’ xogħol mill-bogħod b’mod transfruntier bħala parti integrali mill-istrateġija dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi.

1.13.

Qasam ieħor li jeħtieġ li jiġi rivedut huwa l-kopertura tal-VAT. L-esklużjonijiet u l-lakuni joħolqu kumplessità u jirriżultaw f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li mhumiex ekwivalenti, kif ukoll fi dħul mit-taxxa mitluf. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kopertura tas-sistema tal-VAT.

2.   Proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21 għandha l-għan li tindirizza diversi sfidi ewlenin, li żviluppaw matul is-snin, flimkien mat-tifqigħa tal-COVID-19.

2.2.

L-UE teħtieġ qafas ta’ tassazzjoni robust, effiċjenti u ġust li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament pubbliku, filwaqt li jappoġġja l-irkupru, u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, billi joħloq ambjent li jrawwem tkabbir ġust, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll iwassal għal investimenti sabiex l-opportunitajiet ta’ impjieg ikunu jistgħu jimmaterjalizzaw.

2.3.

It-tassazzjoni hija mistennija li tikkontribwixxi għall-politiki usa’ tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni, l-Istrateġija Industrijali l-ġdida għall-Ewropa, u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. It-tassazzjoni se jkollha bżonn tiffaċilita wkoll it-tranżizzjoni diġitali billi tipprovdi ambjent fejn in-negozji diġitali jistgħu jirnexxu.

2.4.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tqis b’mod adegwat l-eżiti tal-proġett erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (BEPS), u tindirizza r-riforma tal-qafas internazzjonali tat-tassazzjoni korporattiva, immexxija mill-OECD u awtorizzata mill-G20. Il-pakkett ta’ riforma jikkonsisti f’żewġ pilastri. Il-pilastru 1 għandu l-għan li jadatta r-regoli internazzjonali tat-tassazzjoni għall-mudelli ta’ negozju ġodda, li jippermettu lill-kumpaniji jagħmlu negozju mingħajr preżenza fiżika (3).

2.5.

Il-Pilastru 2 se jnaqqas il-kompetizzjoni tat-taxxa billi jistabbilixxi rata minima tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ 15 fil-mija (4).

2.6.

Ladarba jintlaħaq qbil dwaru f’konvenzjoni multilaterali, l-applikazzjoni tal-pakkett se ssir obbligatorja u l-Kummissjoni se tipproponi Direttiva għall-implimentazzjoni tiegħu fl-UE.

2.7.

Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll proposta ġdida għall-pubblikazzjoni annwali tar-rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ kumpaniji kbar, li huma residenti fl-UE u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pilastru 2, bl-użu tal-metodoloġija miftiehma għall-kalkoli tal-Pilastru 2.

2.8.

L-UE, bħala parti mill-aġenda ta’ trasparenza tagħha, se tkompli tindirizza wkoll l-użu abbużiv ta’ entitajiet fantażma għal skopijiet ta’ taxxa — jiġifieri kumpaniji bi preżenza sostanzjali minima jew bl-ebda preżenza u attività ekonomika reali — permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva ġdida mmirata lejn il-prevenzjoni ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħasil tal-flus minn individwi u korporazzjonijiet.

2.9.

L-istrateġija tal-Kummissjoni se tindirizza wkoll il-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva billi tagħmel investimenti ffinanzjati mill-bejgħ ta’ ishma inqas żvantaġġjati permezz ta’ sistema ta’ kwota (DEBRA) għall-finanzjament b’bejgħ ta’ ishma ġdid.

2.10.

Il-Kummissjoni se tirtira l-proposti pendenti tagħha għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (5), ladarba tiġi ppreżentata proposta ġdida għat-tisħiħ tas-suq intern. Din se tkun qafas ġdid għat-tassazzjoni fuq l-introjtu għall-intrapriżi fl-Ewropa, imsejjaħ BEFIT (L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu).

2.11.

Il-proposta dwar il-BEFIT se tibni fuq il-Pilastru 1 u l-Pilastru 2. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fit-tfassil ta’ din il-proposta, filwaqt li tqis ukoll il-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tikkonsulta lis-settur tan-negozju u lill-gruppi tas-soċjetà ċivili.

2.12.

L-istrateġija tal-Kummissjoni tinkludi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jippermettu kumpens għat-telf permezz ta’ riport lura, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji madwar l-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tapplika għas-snin fiskali 2020 u 2021.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tant mistennija tal-Kummissjoni għall-istrateġija dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi għas-seklu 21. Il-KESE jappoġġja u japprezza bis-sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni qed tallinja l-ħidma tagħha mad-diskussjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali.

3.2.

Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tagħmel l-aġenda tat-taxxa tikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali li t-tkabbir ġust u sostenibbli jsir possibbli billi tappoġġja politiki usa’ tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni, l-Istrateġija Industrijali għall-Ewropa u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.3.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-investimenti transfruntiera u li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-intrapriżi, filwaqt li l-ekonomija Ewropea ssir aktar ekoloġika u aktar diġitalizzata.

3.4.

Il-KESE huwa mħasseb dwar id-distakk fiskali, minkejja l-fatt li d-dħul mit-taxxa korporattiva fir-rigward tal-PDG kien bħala medja stabbli jew saħansitra żdied matul l-aħħar għaxar snin fl-UE u fil-pajjiżi tal-OECD.

3.5.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-gvernijiet impenjaw ruħhom fl-adozzjoni ta’ taħlita ta’ miżuri kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u li l-miżuri żiedu l-kumplessità li diġà teżisti. Il-KESE jitlob qafas tat-tassazzjoni sod, effiċjenti u ġust li jindirizza l-inċentivi sottostanti għat-twettiq tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u ta’ mġiba ta’ trasferiment tal-profitti.

3.6.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-impatt tas-serje ta’ leġiżlazzjoni kontra l-evitar tat-taxxa li ġiet implimentata f’dawn l-aħħar sitt snin.

3.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġja l-Istrateġija ta’ Rkupru (6), u tqis l-Opinjoni tal-KESE dwar Pakkett għal tassazzjoni ġusta u sempliċi (7). Il-KESE jqis li huwa importanti li tittejjeb il-produttività tal-ekonomija Ewropea għal mill-inqas il-livell ta’ ekonomiji kompetituri. It-taxxa hija biss wieħed mill-fatturi li għandhom impatt fuq il-produttività, iżda għandha rwol importanti (8).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-approvazzjoni mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 tal-ftehim iffirmat fit-8 ta’ Ottubru 2021 minn 136 mill-140 pajjiż fil-Qafas Inklużiv biex tintlaħaq soluzzjoni ta’ pakkett globali u bbażat fuq il-kunsens dwar kif għandhom jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni fost il-pajjiżi (9). Fl-istess ħin, il-KESE jissottolinja l-effetti tal-kumplessità relatata ma’ tali objettivi ambizzjużi, filwaqt li jappella għal implimentazzjoni uniformi, u miftiehma u kkoordinata fil-livell globali tal-Pilastri 1 u 2. F’dan il-kuntest, il-proposti tal-UE jeħtieġ li jqisu l-ispeċifiċitajiet tar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE bħal-libertà tal-istabbiliment u n-nondiskriminazzjoni.

4.2.

Il-KESE jinnota li hemm bżonn ta’ ħafna aktar ħidma biex jintlaħaq ftehim dettaljat. Huwa ta’ interess enormi li jsiru ftehimiet dwar ħafna aspetti tekniċi. Meta r-regoli jiġu implimentati fil-livell tal-UE, il-kumpaniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-UE ma għandhomx ikunu fi żvantaġġ kompetittiv fir-rigward tal-kompetituri ekwivalenti tagħhom ibbażati f’ġuriżdizzjonijiet ewlenin oħra (10).

4.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat il-pakkett dwar it-tassazzjoni mhux biss fl-UE iżda wkoll, fl-istess ħin, f’pajjiżi msieħba kummerċjali ewlenin. Jekk il-Pilastru 1 ma jiġix implimentat fl-Istati Uniti u fi msieħba kummerċjali ewlenin oħra simultanjament, l-intrapriżi Ewropej jistgħu jkunu fi żvantaġġ kompetittiv. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu kkoordinati mal-imsieħba kummerċjali kemm l-implimentazzjoni kif ukoll l-użu tal-konvenzjoni multilaterali.

4.4.

Il-KESE jissottolinja l-importanza tat-traspożizzjoni u li jkun hemm eżattament l-istess regoli għal direttiva tal-Pilastru 2 u t-taxxa minima korporattiva effettiva bħar-regoli kumplessi miftiehma li tfasslu fil-ftehim globali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jippermettu żmien suffiċjenti biex test finali miftiehem ikun disponibbli qabel ma tiġi adottata direttiva (11).

4.5.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħti rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jippermettu l-kumpens permezz ta’ riport lura. Madankollu, regoli bħal dawn huma importanti mhux biss f’sitwazzjoni ta’ pandemija, iżda wkoll f’ċirkostanzi normali. Il-profitt nett ta’ kumpanija maż-żmien għandu jkun soġġett għat-taxxa korporattiva.

4.6.

Il-KESE jappoġġja l-ġlieda tal-Kummissjoni kontra l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma li l-għan tagħhom huma l-ħasil tal-flus, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa minn individwi u korporazzjonijiet, u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jistenna bil-ħerqa li jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar proposta konkreta li tindirizza l-użu abbużiv tal-entitajiet fantażma.

4.7.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq Kwota ta’ Tnaqqis ta’ Predispożizzjoni Favur id-Dejn. L-investimenti f’teknoloġija aktar ekoloġika ġdida huma marbuta ma’ riskju għoli għall-investituri. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma huwa partikolarment importanti u l-preġudizzju inerenti kontra l-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma inkorporat fis-sistemi tat-taxxa jeħtieġ li jiġi indirizzat (12).

4.8.

Il-KESE jinnota li l-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma jista’ jsir inqas żvantaġġjat kemm fil-livell korporattiv kif ukoll fil-livell tal-azzjonisti. Huwa importanti li t-trattament tat-taxxa ma joħloqx inċentivi biex il-fondi jiġu trasferiti minn livell għal ieħor.

4.9.

Barra minn hekk, ta’ min jinnota li jekk ir-rati statutorji tat-taxxa korporattiva jiżdiedu, il-valur tat-tnaqqis tal-imgħax jiżdied u jsir ekonomikament aktar xieraq għal kumpanija li tinvesti permezz ta’ self. Rata ta’ inflazzjoni ogħla u/jew rati tal-imgħax ogħla jkollhom effett simili, u b’hekk iżidu l-predispożizzjoni attwali favur id-dejn (13). Peress li tali żvilupp ma jistax jiġi eskluż, l-importanza tal-inizjattiva li jmiss tal-Kummissjoni hija ferm aktar milqugħa u importanti.

4.10.

Il-KESE jilqa’ l-objettivi tal-BEFIT u jistenna bil-ħerqa li jkun jista’ jeżamina proposta dettaljata. Il-proposta għandha tqis ir-reġimi legali speċifiċi applikabbli għal ċerti tipi ta’ kooperattivi u intrapriżi mutwi li ġew adottati fil-passat minn Stati Membri differenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet ikkonċernati u lis-soċjetà ċivili fid-deliberazzjonijiet sabiex ikun jista’ jkun hemm progress u aċċettazzjoni.

5.   Xi oqsma addizzjonali li jeħtieġ li jiġu indirizzati għall-politika tat-tassazzjoni għas-seklu 21

5.1.

Il-KESE jemmen li l-pandemija setgħet biddlet il-post tax-xogħol għal ħafna b’tali mod li t-telexogħol se jkun aktar frekwenti fis-snin li ġejjin. Il-konsegwenzi tat-taxxa fuq it-telexogħol transfruntier (jew tax-xogħol mill-bogħod) jagħtu lok għal mistoqsijiet dwar it-taxxa kemm għad-ditti kif ukoll għall-individwi. Għal kumpanija, jista’ jinħoloq stabbiliment permanenti mhux intenzjonat, bil-konsegwenzi tat-taxxa tiegħu. L-individwu jista’ jiffaċċja taxxa mitluba minn diversi pajjiżi, filwaqt li l-benefiċċji soċjali u l-protezzjoni jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv. Id-drittijiet tal-pensjoni jistgħu jiġu affettwati wkoll.

5.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza sitwazzjonijiet ta’ xogħol transfruntier bħala parti integrali mill-istrateġija tat-tassazzjoni tal-intrapriżi.

5.3.

Qasam ieħor li jeħtieġ li jiġi rieżaminat huwa l-kopertura tal-VAT. L-esklużjonijiet u l-lakuni joħolqu kumplessità u jirriżultaw f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li mhumiex ekwivalenti kif ukoll fi dħul mit-taxxa mitluf. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina l-kopertura tas-sistema tal-VAT.

Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2020) 312 final.

(2)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 8

(3)  Il-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni huma l-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) b’fatturat globali ta’ aktar minn EUR 20 biljun u bi profittabbiltà ta’ aktar minn 10 % (jiġifieri l-profitt qabel it-taxxa/id-dħul) ikkalkolati bl-użu ta’ mekkaniżmu ta’ medja bil-limitu tal-fatturat jitnaqqas għal EUR 10 biljun, kontinġenti fuq l-implimentazzjoni b’suċċess inkluża ċ-ċertezza tat-taxxa, bir-rieżami rilevanti jibda 7 snin wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim u jitlesta f’mhux aktar minn sena. Is-settur estrattivi u s-servizzi finanzjarji regolati huma esklużi. https://www.oecd.org/tax/beps/statement-on-a-two-pillar-solution-to-address-the-tax-challenges-arising-from-the-digitalisation-of-the-economy-october-2021.pdf.

(4)  Il-Pilastru 2 jikkonsisti f’: a) żewġ regoli nazzjonali interkonnessi (flimkien ir-Regoli Globali kontra l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa (ir-regoli GloBE)): (i) Regola dwarl-Inklużjoni tal-Introjtu (IIR), li timponi taxxa supplimentari fuq kumpanija omm fir-rigward tal-introjtu intaxxat baxx ta’ entità kostitwenti; u (ii) Regola ta’ Pagament Sottointaxxat (Undertaxed Payment Rule — UTPR), li tiċħad it-tnaqqis jew tirrikjedi aġġustament ekwivalenti sal-punt li l-introjtu taxxabbli baxx ta’ entità kostitwenti ma jkunx soġġett għat-tassazzjoni skont ir-Regola dwar l-Inklużjoni tal-Introjtu (Income Inclusion Rule — IIR); u b) regola bbażata fuq trattat (ir-Regola Soġġett għat-Taxxa (Subject to Tax Rule — STTR)) li tippermetti lill-ġuriżdizzjonijiet tas-sors jimponu tassazzjoni tas-sors limitata fuq ċerti pagamenti ta’ partijiet relatati soġġetti għal taxxa taħt rata minima. L-STTR se tkun tista’ tiġi kkreditata bħala taxxa koperta skont ir-regoli GloBE. Ir-regoli GloBE se japplikaw għall-MNEs li jissodisfaw is-soll ta’ EUR 750 miljun kif determinat skont l-Azzjoni 13 tal-BEPS (rapport għal kull pajjiż). Il-pajjiżi huma liberi li japplikaw l-IIR għall-MNEs li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiżhom anke jekk ma jissodisfawx is-soll. Ir-rata minima tat-taxxa użata għall-finijiet tal-IIR u tal-UTPR se tkun ta’ 15 %. https://www.oecd.org/tax/beps/statement-on-a-two-pillar-solution-to-address-the-tax-challenges-arising-from-the-digitalisation-of-the-economy-october-2021.pdf.

(5)  COM(2016) 685 final u COM(2016) 683 final

(6)  COM(2020) 312 final.

(7)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 8

(8)  Hemm ħafna rapporti li jikkonkludu li l-impatt fuq it-tkabbir u l-produttività tat-taxxi korporattivi huwa partikolarment dannuż. Din hija konklużjoni li l-OECD waslet għaliha bosta drabi, ara pereżempju Tax and Economic Growth (It-Taxxa u t-Tkabbir Ekonomiku), Dipartiment tal-Ekonomija tal-OECD, Dokument ta’ Ħidma Nru 620 jew Tax Policy Reform and Economic Growth (Ir-Riforma tal-Politika tat-Tassazzjoni u t-Tkabbir Ekonomiku), OECD (2010). It-trasferiment tat-taxxa korporattiva fuq il-ħaddiema, b’mod partikolari fuq ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, kif ukoll effett negattiv fuq l-investimenti, huma fatturi importanti li jwasslu għal din il-konklużjoni. Barra minn hekk, taxxi oħra, bħat-taxxi fuq l-introjtu mix-xogħol, jistgħu jnaqqsu t-tkabbir u l-iżviluppi fil-produttività.

(9)  Ir-regoli tat-taxxa japplikaw għall-kumpaniji kollha li jaqbżu ċertu limitu, irrispettivament mis-setturi li joperaw fihom. Ma japplikawx biss għall-hekk imsejħa mudelli ta’ negozju diġitali jew negozji li jiffaċċjaw il-konsumaturi.

(10)  Fin-nuqqas ta’ regola UTPR u jekk l-IIR ma tapplikax għal sitwazzjonijiet domestiċi, se jkollna sitwazzjoni li fiha l-Gruppi MNE barranin, inklużi l-gruppi tal-Istati Uniti, jimponu biss ir-rata tat-taxxa effettiva minima għal sitwazzjonijiet transfruntiera. L-effett ikun li jżommu s-sussidjarji domestiċi tagħhom protetti mir-rata minima tat-taxxa effettiva: f’dan il-kuntest, is-sussidjarji domestiċi b’taxxa baxxa ta’ uffiċċju prinċipali fl-Istati Uniti/barrani jkomplu jibbenefikaw, pereżempju, minn krediti tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp u jħallsu t-taxxa b’rata aktar baxxa mill-minimu miftiehem filwaqt li uffiċċju prinċipali fl-UE u s-sussidjarji domestiċi tiegħu jkollhom il-krediti tat-taxxa tagħhom għar-riċerka u l-iżvilupp newtralizzati permezz tat-taxxa supplimentari jekk ibaxxu ir-rata tat-taxxa effettiva domestika tagħhom stess taħt il-minimu miftiehem.

(11)  Jekk ir-regoli kollha fil-Ftehim Qafas Inklużiv tal-OECD ma jkunux magħrufa fiż-żmien meta l-Istati Membri jaqblu dwar direttiva, għandu jinbeda proċess ta’ emenda tad-direttiva sabiex il-ftehim globali jiġi traspost fi ftehim tal-UE. Xi Stati Membri jistgħu jopponu tali bidla għad-direttiva. Biex tinkiseb traspożizzjoni korretta u sħiħa, il-ftehim globali jrid jiġi żviluppat u jkun magħruf bis-sħiħ qabel ma jintlaħaq qbil dwar direttiva.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Ir-rwol tat-taxxi korporattivi fil-governanza korporattiva (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 13).

(13)  Ara The Taxation of Income from Capital (It-Tassazzjoni fuq l-Introjtu mill-Kapital), Mervyn King u Don Fullerton, The University of Chicago Press u NBER (1984).


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta' garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera

[COM(2021) 581 final – 2021/0295 (COD)]

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012

[COM(2021) 582 final – 2021/0296 (COD)]

(2022/C 275/08)

Relatur:

Jörg Freiherr FRANK VON FÜRSTENWERTH

Korelatur:

Christophe LEFÈVRE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 22.11.2021

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.11.2021

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

169/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-qafas regolatorju ta' Solvenza II ibbażat fuq tliet pilastri (rekwiżiti kwantitattivi għall-fondi proprji; organizzazzjoni tan-negozju, superviżjoni; rappurtar, trasparenza) wera l-importanza tiegħu. Madankollu, l-esperjenza mill-kriżi tad-dejn sovran, il-politika tar-rata tal-imgħax baxxa u l-ewwel effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li għadha ’l bogħod minn tmiemha, u l-għarfien li se jseħħu kriżijiet oħrajn, jirrikjedu aġġustamenti fil-qafas regolatorju.

1.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tindirizza l-kwistjoni tar-riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni. Il-profil tar-riskju tal-assiguraturi qed jinbidel. Fid-dawl tal-kriżi klimatika, is-settur tal-assigurazzjoni għandu rwol partikolarment importanti, speċjalment fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima u riskji ambjentali ġodda (pereżempju l-bijodiversità). L-assiguraturi jiffaċċjaw ukoll riskji ogħla fir-rwol tagħhom bħala investituri. B’mod partikolari, ir-riskji materjali, ta’ responsabbiltà u ta’ tranżizzjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima mhumiex ivvalutati b’mod adegwat.

1.3

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-għan tagħha li toħloq qafas regolatorju li fih is-settur tal-assigurazzjoni jkollu rwol (saħansitra) akbar bħala investitur fil-finanzjament tat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-interess qawwi tas-soċjetà ċivili fl-istabbiltà tas-settur finanzjarju u jappella li fis-settur tal-assigurazzjoni jiġu żgurati regoli sodi dwar ir-rekwiżiti tal-kapital u t-tħejjija għar-riskji. L-instabbiltajiet fis-settur tal-assigurazzjoni jxekklu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika u tingħeleb il-pandemija b'mod sinifikanti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   L-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.1

Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-qafas regolatorju ta' Solvenza II ibbażat fuq tliet pilastri (rekwiżiti kwantitattivi għall-fondi proprji; organizzazzjoni tan-negozju, superviżjoni; rappurtar, trasparenza) wera l-importanza tiegħu. Dan serva ta’ gwida tajba għas-settur tal-assigurazzjoni Ewropew minħabba t-taqlib tal-kriżi tad-dejn sovran, il-politika tar-rata tal-imgħax baxxa li għadha għaddejja u l-ewwel effetti tal-pandemija tal-COVID-19, li għadha ’l bogħod minn tmiemha. Il-KESE jqis li huwa utli u meħtieġ li jinsiltu l-konklużjonijiet meħtieġa fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-regoli. Dan japplika b'mod partikolari għal kwistjonijiet relatati mal-proporzjonalità u r-regolamenti dwar l-adegwatezza tal-kapital u t-tħejjija għar-riskji. Dawn il-punti tal-aħħar b'mod partikolari huma deċiżivi għar-rekwiżiti kapitali tal-kumpaniji u għalhekk għar-rwol li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jista' jkollhom bħala fornituri ta' prodotti u bħala investituri għall-ekonomija.

2.2   Koerenza ma' politiki oħra tal-UE

2.2.1

L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 huma politika ta' prijorità assoluta, li l-implimentazzjoni tagħha tirrikjedi l-użu ta' somom konsiderevoli ta' kapital pubbliku u privat. Is-settur tal-assigurazzjoni Ewropew, bħala investitur fit-tul b'portafoll ta' investiment fis-settur Ewropew tal-assigurazzjoni ta' aktar minn EUR 10 triljun fl-2020, jista' jikkontribwixxi ferm aktar milli jagħmel illum għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima kif ukoll għall-proġetti tal-infrastruttura u akkomodazzjoni affordabbli. Il-kapaċità li jsir dan hija fil-biċċa l-kbira ddeterminata mir-regolamenti dwar l-adegwatezza tal-kapital u t-tħejjija għar-riskji fis-sistema Solvenza II.

2.2.2

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-għan tagħha li toħloq qafas regolatorju li fih is-settur tal-assigurazzjoni jkollu rwol (saħansitra) akbar bħala investitur fil-finanzjament tat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-COVID-19. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li ma jiġux ipperikolati l-għanijiet protettivi tas-sistema Solvenza II, jiġifieri l-protezzjoni tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji u l-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, dan jista’ jiġi mxekkel jekk issir devjazzjoni mill-valutazzjoni stretta tar-riskju tal-investimenti tal-assiguraturi sabiex jiġi appoġġjat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur tas-sistema Solvenza II għandhom jinkludu investimenti u attivitajiet tas-settur tal-assigurazzjoni fis-setturi li fihom l-assiguraturi jinvestu abbażi tat-talbiet mill-awtoritajiet jew mill-gvern. Dawn l-investimenti mbagħad jistgħu jiġu ppremjati jew penalizzati kif adegwat. Fi kwalunkwe każ, kull investiment fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jew – bħala eżempju – NextGenerationEU għandu jkun soġġett għall-istess valutazzjoni tar-riskju bħal kull investiment ieħor. Is-superviżjoni tal-assigurazzjoni sostenibbli tirrikjedi valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq il-fatti u valutazzjoni tal-kapital derivata minnha. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li tirrevedi r-regoli eżistenti dwar ir-rekwiżiti tal-kapital biex jiġi ddeterminat f’liema oqsma dawn wasslu għal rekwiżiti inadegwati (eċċessivi jew insuffiċjenti) tal-kapital. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea juru l-flessibbiltà li diġà tista' tinħoloq b’dan il-mod. Madankollu, fejn ir-rekwiżiti kapitali huma baxxi wisq (eżempju: ir-riskji b’rabta mat-tibdil fil-klima), jeħtieġ li jiżdiedu biex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-settur.

2.2.3

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti kontribut importanti ieħor għat-twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-ħolqien tas-suq intern jagħmilha aktar faċli biex jiġu ffinanzjati kemm il-modi ta’ ħruġ mill-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan huwa dovut għall-fatt li l-konsumaturi jistgħu jipperċepixxu aktar progress fil-ħolqien ta' suq intern ġenwin għas-swieq finanzjarji, għalkemm għad hemm ħafna ostakoli legali u attwali għat-twettiq tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

2.2.4

Il-KESE jilqa' l-idea li s-settur tal-assigurazzjoni għandu jkollu rwol akbar fil-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika. Is-settur tal-assigurazzjoni għandu jkollu wkoll l-għan li jtaffi l-impatti ambjentali u soċjali negattivi kollha tal-investimenti u l-attivitajiet tal-assigurazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, rabta mat-tassonomija tal-UE hija siewja. Il-KESE jappella sabiex l-għanijiet tas-sostenibbiltà soċjali jitqiesu b'mod sistematiku. Fl-aħħar mill-aħħar, in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-impjegati u tal-bniedem jista' jwassal ukoll għal riskju akbar.

2.2.5

Il-proposti jipprevedu semplifikazzjoni tas-sistema kumplessa ta' Solvenza II f'diversi punti. Dan il-pass għandu jintlaqa' tajjeb. Il-fatt li l-utenti tal-mudelli interni issa jridu jissottomettu wkoll rapporti daqslikieku kienu qed jużaw il-formula standard mhuwiex komprensibbli u għandu jinċaħad. Ir-rappurtar doppju għandu jiġi eskluż.

2.3   Atti delegati

2.3.1

Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea hija intitolata li tistabbilixxi ċerti regoli, prinċipalment tekniċi, permezz ta' atti delegati. Din tħabbar għadd kbir ta' proposti li tkun tixtieq timplimenta permezz ta' atti delegati. Dawn il-proposti huma ta' piż u għandhom importanza ekonomika kbira. Ta' min isemmi l-aġġustament tal-volatilità, l-aġġustament ta' korrispondenza u l-estrapolazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni profondament politika rigward il-miżuri u l-limiti tal-valutazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu applikati għall-finanzjament biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku. Kemm hawnhekk kif ukoll bnadi oħra, il-KESE jappella sabiex kwistjonijiet ekonomiċi importanti jiġu ttrattati fi proċedura leġiżlattiva ordinarja li tinvolvi lill-Parlament u tikkonsulta lis-soċjetà ċivili, aktar milli permezz ta’ atti delegati. Qabel l-adozzjoni tal-pakkett Solvenza II, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE għandu jkollhom stampa ċara tal-kontenut u l-impatt tal-atti delegati.

2.4   Evalwazzjoni ta’ rikalibrazzjonijiet – Valutazzjonijiet tal-Impatt: Kompetittività

2.4.1

Il-KESE jipproponi li fis-snin li ġejjin titwettaq evalwazzjoni sħiħa tal-loġika tal-qafas regolatorju ta’ Solvenza II. Sadanittant, il-kundizzjonijiet tal-qafas inbidlu b’diversi modi u se jkomplu jinbidlu, u dan jagħmel l-evalwazzjoni essenzjali. F’dan il-kuntest, verifika tal-kompetizzjoni tista’ tkun utli biex jiġi ddeterminat kif il-bidla fir-regoli tista’ taffettwa l-kompetittività tas-settur Ewropew tal-assigurazzjoni fis-suq dijni.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Proporzjonalità u limiti

3.1.1

Il-KESE jilqa' l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-prinċipju tal-proporzjonalità. Is-semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju kumpless ħafna u ta' piż hija importanti b'mod partikolari għal assiguraturi iżgħar u għal dawk inqas esposti għar-riskju, li huma parti importanti mid-diversità reġjonali. Huwa minnu li r-rekwiżiti ta' Solvenza II għall-ġestjoni tar-riskju u r-rappurtar jiġu riveduti u aġġustati abbażi tar-regoli. Madankollu, huwa ta' dispjċir li, bħal fil-passat, għadu jitqies biss id-daqs tal-kumpanija u mhux il-paragun bejn l-ambitu tar-rekwiżiti prudenzjali mar-riskji reali tal-assiguratur abbażi tal-mudell tan-negozju tiegħu. Wieħed mill-punti b’saħħithom importanti tas-suq Ewropew tal-assigurazzjoni huwa d-diversità tal-assiguraturi kbar u żgħar.

3.1.2

Minn dawk li joperaw fuq livell internazzjonali u dawk li huma b'saħħithom fil-livell reġjonali. L-istess bħall-varjetà ta' forom legali bħal kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata jew kooperattiva. Din id-diversità m'għandhiex tiġi pperikolata billi l-assiguraturi jiġu mgħobbija b'burokrazija eċċessiva.

3.2   Garanziji fit-tul

3.2.1

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippermetti lis-settur tal-assigurazzjoni jsir aktar involut fil-finanzjament tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu, u l-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 permezz ta' rekwiżiti tal-kapital aktar adegwati. L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ma tridx tonqos milli tiffinanzja t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, iżda l-SDGs ma jridux jiġu pperikolati minn rekwiżiti kapitali insuffiċjenti li artifiċjalment jagħmlu attivitajiet li jniġġsu ħafna profittabbli bħala investiment. Ir-rieżami tar-regoli dwar ir-rekwiżit kapitali meħtieġ se tkun il-muftieħ biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati. Il-KESE jemmen li huwa imperattiv li r-regoli ta’ Solvenza II għandhom jiġu modifikati biss sa fejn l-objettivi prudenzjali tal-protezzjoni tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji u l-objettiv tal-istabbiltà finanzjarja ma jiġux ipperikolati. L-għan għandu jkun li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn, minn naħa waħda, l-inċentivi għall-assiguraturi biex jinvestu f’attivitajiet immirati lejn objettivi soċjali u ambjentali u, min-naħa l-oħra, rekwiżiti prudenzjali. Dan għadu mhux iggarantit.

3.2.2

Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex titnaqqas il-volatilità tal-investimenti fit-tul permezz tal-aġġustament propost għall-volatilità. Fl-istess ħin, madankollu, qed iżżid il-volatilità billi timxi lejn korrezzjoni tar-riskju relattiva (tnaqqis perċentwali mill-firxiet). Dan huwa kontroproduttiv. Mhuwiex ċar għaliex il-korrezzjoni tar-riskju attwali m'għandhiex tiġi rispettata.

3.2.3

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi mmodifikat il-marġni tar-riskju (pereżempju, il-kost tar-rata kapitali ta’ 5 % u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-fattur ta’ likwidità), ir-riskju tar-rata tal-imgħax u l-korrelazzjoni bejn ir-riskju tal-firxa u r-riskju tar-rata tal-imgħax huma adegwati, mingħajr ma jiġu pperikolati l-għanijiet ta' protezzjoni ta' Solvenza II. Madankollu, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lit-testi tal-livell 2, peress li l-proposti li jwasslu għal titjib ġenerali jista’ jkollhom ukoll effett detrimentali fuq il-portafolli ta’ investiment ta’ assiguraturi żgħar u ta’ daqs medju.

3.2.4

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu riveduti l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-klassi ta’ investiment ta’ ekwità fit-tul, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Dan se jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jibbenefikaw minn trattament tal-kapital preferenzjali jekk jipprovdu kapital fit-tul lill-ekonomija, sakemm dan il-kapital jiġi investit f’konformità mal-objettivi soċjali u ambjentali. Regoli kumplessi żżejjed għandhom jiġu evitati. Għal darb’ oħra, il-valutazzjoni finali tista’ ssir biss jekk il-proposti tal-livell 2 ikunu magħrufa.

3.2.5

Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar li beħsiebha tippreżenta metodu ġdid ta' estrapolazzjoni. L-estrapolazzjoni hija metodu ta' kalkolu li jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal kuntratti ta' assigurazzjoni li t-termini tagħhom jestendu lil hinn minn informazzjoni affidabbli tas-suq tal-kapital dwar rati ta' imgħax mingħajr riskju. Dan il-metodu huwa fattur essenzjali fil-kejl tad-dispożizzjonijiet u għalhekk il-ħtieġa ta' fondi proprji. L-estrapolazzjoni hija partikolarment importanti għall-assigurazzjoni tal-ħajja, iżda mhux għaliha biss. Fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2021) 580 final, il-Kummissjoni Ewropea stess tammetti li l-proposta, li se tikkonkretizza f'att delegat aktar tard, “se jkoll[ha] impatt sinifikanti fuq ir-riżorsi kapitali tal-assiguraturi f'bosta swieq”. Dan l-impatt sinifikanti se jirriżulta f’rekwiżit kapitali addizzjonali ta’ aktar minn 10 % għall-assiguraturi mhux tal-ħajja, meta mqabbel mal-projezzjonijiet preċedenti, u b’hekk imur kontra l-effetti potenzjali tar-rilaxx tal-kapital tal-assiguraturi. Il-KESE jemmen li interventi estensivi bħal dawn għandhom jiġu deċiżi permezz ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja.

3.3   Analiżi tax-xenarji klimatiċi u mandat għall-EIOPA (1) fir-rigward tar-riskji tas-sostenibbiltà

3.3.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa li l-assiguraturi jidentifikaw kwalunkwe esponiment materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima u jivvalutaw l-impatt fuq terminu medju u twil fuq in-negozju tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li din l-analiżi tax-xenarju tiġi estiża għar-riskji ambjentali kollha u li jiġi applikat il-kunċett ta’ materjalità doppja għal dawn ir-rekwiżiti. L-assiguraturi għandhom ikunu meħtieġa wkoll jivvalutaw u, fejn xieraq, itaffu l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent b’mod aktar wiesa’.

3.3.2

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti mandat lill-EIOPA biex tipproponi aġġustamenti possibbli fir-rekwiżiti ta' kapital fir-rigward tar-riskji tas-sostenibbiltà f'rapport sat-28 ta' Ġunju 2023, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku. Huwa tajjeb li jiġu diskussi kwistjonijiet ta' firxa wiesgħa bħal dawn fuq bażi empirika. Madankollu, il-KESE jqis li l-iskadenza għat-tressiq tar-rapport ftit li xejn hija ambizzjuża. Il-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima tirrikjedi azzjoni rapida. Il-KESE diġà jixtieq jindika li t-tagħlimiet meħuda minn dawn il-proposti se jikkonċernaw kwistjonijiet fundamentali relatati mal-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għalhekk mhux se jkunu ta' natura teknika iżda ta' natura politika u, fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu indirizzati fi proċedura leġiżlattiva ordinarja bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3.4   Is-superviżjoni tal-gruppi

3.4.1

Il-prassi superviżorji żvelaw dgħufijiet regolatorji fis-superviżjoni tal-gruppi. Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jiddaħħlu direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE. Mill-perspettiva tal-konsumatur, irid jiġi żgurat li l-preżentazzjoni esterna ta’ grupp tkun trasparenti fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ responsabbiltà tiegħu.

3.5   Ir-rwol tal-assigurazzjoni fi żminijiet ta' pandemiji u avvenimenti oħra li jikkawżaw tfixkil ekonomiku fuq skala kbira

3.5.1

Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-pandemija wriet li hemm bżonn ta' informazzjoni aktar ċara u sempliċi dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kopertura tal-assigurazzjoni u l-garanziji għall-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-interruzzjoni tan-negozju u assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, u li hemm ħtieġa kontinwa li jiġi żgurat li l-prodotti tal-assigurazzjoni jkomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumatur. Huwa daqstant importanti li l-konsumaturi jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Jidher biċ-ċar li l-prattika attwali tas-sorveljanza tal-prodotti tal-assigurazzjoni ma ffunzjonatx b'mod adegwat. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni titlob lill-EIOPA tressaq proposti speċifiċi dwar kif il-problema deskritta, u li ilha magħrufa, tista' tiġi solvuta aħjar.

3.5.2

Il-pandemija, l-effetti tat-tibdil fil-klima li qed nesperjenzaw fl-Ewropa b'nirien fil-foresti, perjodi ta' nixfa, degradazzjoni tal-foresti, xita qawwija u għargħar fuq skala bla preċedent, u riskji ġodda kbar bħar-riskji ċibernetiċi jqajmu l-kwistjoni tad-disponibbiltà ta' kopertura tal-assigurazzjoni għal avvenimenti bħal dawn, li mhumiex se jibqgħu uniċi. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li sal-2022 jitnieda Djalogu dwar ir-Reżiljenza għall-Klima li għandu jlaqqa’ flimkien lill-assiguraturi, lir-riassiguraturi, lill-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati rilevanti oħra. Il-KESE jissuġġerixxi li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġu involuti f'dan id-djalogu mill-bidu nett.

3.6   Skema ta' garanzija tal-assigurazzjoni (IGS), irkupru u riżoluzzjoni u miżuri superviżorji ġodda

3.6.1

Il-Kummissjoni Ewropea ma ppreżentat l-ebda proposta biex tarmonizza l-istruttura diversa tal-IGS fl-Ewropa. Hija tonqos milli tagħmel dan, minkejja l-fatt li l-IGS toffri lill-persuni assigurati u lill-benefiċjarji protezzjoni importanti tal-aħħar istanza. Sistema ta' IGS mifruxa madwar l-Ewropa, li fl-istess ħin tqis it-tip ta' prodotti u għalhekk il-protezzjoni tal-konsumaturi, iżżid b'mod sinifikanti l-fiduċja f'suq uniku Ewropew tal-assigurazzjoni. Il-KESE jemmen li, l-istess kif qed tissuġġerixxi l-EIOPA, li hemm ħtieġa urġenti għall-armonizzazzjoni ta' għadd ta' prinċipji minimi tal-IGS. Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis wkoll, kif enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea, li dan iwassal għal piż finanzjarju konsiderevoli għas-swieq tal-assigurazzjoni f'xi Stati Membri li għad m'għandhomx sistemi ta' IGS, li ma jqisux li dan huwa raġonevoli f'dan iż-żmien ta' rkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. Bħala l-ewwel pass, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta malajr proposta għal qafas minimu tal-IGS li, b'perjodu ta' tranżizzjoni korrispondenti, tindirizza l-kwistjoni mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq is-swieq.

3.6.2

Bil-proposta dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni (2), il-Kummissjoni Ewropea qed tespandi l-istrumenti superviżorji li huma maħsuba biex jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji jintervjenu aktar malajr u b'mod effiċjenti f'każ ta' kriżi korporattiva u, b’mod partikolari, kriżi emerġenti. Dawn l-istrumenti jinkludu wkoll miżuri bħall-irkupru preventiv mill-ġdid u pjan ta' riżoluzzjoni, f'kull każ bl-involviment tal-livell tal-grupp. Il-proposta tiddefinixxi l-istrumenti u s-setgħat fir-rigward tar-riżoluzzjoni. Madankollu, m'hemm l-ebda distinzjoni ċara mill-miżuri superviżorji eżistenti ta' Solvenza II. B'mod ġenerali, hemm ħafna dubji dwar l-hekk imsejħa skala ta' intervent li ġiet ittestjata, peress li s-setgħat il-ġodda ta’ intervent huma maħsuba biex japplikaw anki qabel ma jkun hemm ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (RKS). Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-miżuri proposti jkunu konsistenti mar-regoli tal-iskala ta' intervent. Ir-regoli tar-riżoluzzjoni għandhom jiffaċilitaw approċċ armonizzat fil-livell tal-grupp, b’mod partikolari fil-każ ta’ gruppi finanzjarji mħallta.

3.6.3

Argument li jikkontradixxi l-proposti huwa li l-pandemija tal-COVID-19 u, b’mod partikolari, il-politika ta' rata tal-imgħax baxxa kienu wrew li s-sett ta' strumenti ta' Solvenza II kien biżżejjed biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet diffiċli. Anke kieku dan kien minnu fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-KESE ma jaqbilx ma’ dan l-argument. Fid-dawl tal-esperjenza tal-kriżijiet finanzjarji tal-passat, il-KESE jemmen li hemm ħtieġa urġenti li qabelxejn ikun hemm miżuri gradwali ta’ intervent f’każ ta’ kriżi fil-livell tal-kumpanija, anke qabel ma jseħħ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti kapitali minimi, sakemm ikun hemm indikazzjonijiet ċari li s-sitwazzjoni qed tiddeterjora. Il-KESE jixtieq jindika li fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-regoli fil-prattika se jkun importanti ħafna li jiġu definiti u stabbiliti b'mod ċar il-kompiti tal-EIOPA u tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).

(2)  COM(2021) 582 final.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022

[COM(2021) 740 final]

(2022/C 275/09)

Relatur:

Judith VORBACH

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 21.1.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

140/5/38

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-UE ffaċċjat żviluppi u kriżijiet avversi ħafna qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Fl-2020, l-UE daħlet “fl-agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha”, filwaqt li l-isfidi eżistenti kien baqagħlhom ħafna biex jiġu solvuti. L-UE ħadet azzjonijiet ta’ appoġġ mingħajr preċedent biex ittaffi l-impatt u tevita sitwazzjoni instabbli. Madankollu, il-pandemija tista’ tiġi indirizzata biss b’mod transnazzjonali u l-KESE jitlob kooperazzjoni antiċipatorja dwar il-politika tas-saħħa tal-UE, spinta lil-livelli tat-tilqim u l-adozzjoni ta’ approċċ globali, sabiex ikun hemm dibattitu miftuħ fil-livell tal-UE dwar eżenzjoni temporanja u volontarja tat-TRIPS.

1.2.

Il-KESE jirrakkomanda politika li tiffoka fuq il-prosperità u jappoġġja l-aġenda ta’ “sostenibbiltà kompetittiva” tal-UE. L-erba’ dimensjonijiet tagħha – is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika – kif ukoll il-kompetittività, għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell sabiex jinkisbu l-effetti previsti ta’ rinfurzar u trasformazzjoni li tirnexxi. Pereżempju, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali huma elementi kruċjali tal-kompetittività u viċi versa. Aktar ma jkun dgħajjef l-involviment tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, aktar ikun probabbli li d-disparitajiet jiżdiedu u l-aċċettazzjoni tonqos, speċjalment fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-ekonomija biex tinkiseb in-newtralità klimatika.

1.3.

Waħda mill-isfidi tagħna hija li l-prosperità ekonomika tiġi diżakkoppjata kemm jista’ jkun mid-degradazzjoni ambjentali. Għal darb’oħra, dak li huwa meħtieġ huwa approċċ olistiku li jqis it-tipi kollha ta’ ħsara ambjentali. L-impenji biex jiġi ssalvagwardjat il-benesseri soċjali ma għandhomx isarrfu biss fi slogans fiergħa. Huwa kruċjali li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tat-tranżizzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ klima kummerċjali tajba u li jinżammu ktajjen tal-valur industrijali b’saħħithom fl-Ewropa, u jitlob li jkun hemm tmexxija industrijali Ewropea fl-isforz lejn is-sostenibbiltà. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għandu jiġi mfassal b’mod effettiv u l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għandhom ikunu marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u mar-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi fiskali. Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe bidla lejn it-tassazzjoni ambjentali m’għandhiex tinvolvi effetti distributtivi rigressivi jew faqar enerġetiku.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riformi u l-investiment u l-promozzjoni ta’ suq uniku ġust sabiex tiġi żgurata bażi ekonomika b’saħħitha. Il-miżuri biex jippromovu s-suq uniku u jtejbu l-ambjent tan-negozju huma kruċjali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-produttività. Barra minn hekk, approċċ ġust ta’ produttività huwa xprun essenzjali għall-kompetittività u l-konverġenza ’l fuq fuq perjodu twil ta’ żmien. Madankollu, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma fundamentali iżda mhumiex parti mil-libertajiet tas-suq intern protetti bil-kostituzzjoni. Il-KESE jappella għal proposti adatti dwar kif jiġu ggarantiti r-regoli nazzjonali li mhumiex protetti mit-trattati. Il-KESE jirrakkomanda mitigazzjoni tal-effetti negattivi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, u jilqa’ l-monitoraġġ aktar mill-qrib tar-riskji tas-suq finanzjarju li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja għandu jikkonsolida l-kanali ta’ finanzjament, jippromovi l-isforzi ta’ investiment u jżid ir-reżiljenza.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li meta jsiru sforzi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u fl-istess ħin għal tranżizzjoni li hija ekwa u ġusta, li tirrikjedi kundizzjonijiet soċjali sostenibbli, dan jikkostitwixxi bażi għal prosperità u reżiljenza futuri. Politiki tas-suq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali mfassla tajjeb huma l-pedament tar-reżiljenza u t-tkabbir inklużiv. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw l-isforzi biex itejbu l-eżiti tat-tagħlim fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u li l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għandu jiġi żgurat. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq skrutinju tal-effetti distributtivi tal-iżborżi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u tan-NextGenerationEU (NGEU) u biex tiżgura l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta’ ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata, u anke għal konverġenza soċjali ’l fuq.

1.6.

L-irkupru ekonomiku u t-tkabbir inklużiv stabbli huma prekundizzjonijiet għal baġits pubbliċi sostenibbli. Il-politika jeħtieġ li tibqa’ ta’ appoġġ u lesta biex tindirizza kwalunkwe tfixkil. Il-KESE jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Meta titneħħa, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-livelli ta’ attività ekonomika, tal-impjiegi u tal-faqar meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni qabel ma jidħol fis-seħħ qafas modernizzat. Il-KESE jwissi kontra l-promozzjoni ta’ politiki li jnaqqsu l-infiq attwali relatat mal-ispejjeż soċjali, edukattivi u tas-saħħa, u jitlob politiki ta’ dħul ġust. Barra minn hekk, filwaqt li s-sorveljanza taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, il-KESE jitlob ukoll li jsir monitoraġġ tal-iżbilanċi soċjali.

1.7.

Il-KESE għandu l-impressjoni li qed nidħlu f’fażi ġdida ta’ politika ekonomika u s-Semestru Ewropew 2022 li qed jevolvi huwa opportunità biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. L-approċċ bilanċjat tal-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva għandu jiġi rifless fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) futuri, u l-involviment akbar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata suppost ilu li sar. Jekk l-iżborż ta’ għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jsir soġġett għall-konformità mar-riformi mħabbra, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jiksbu relevanza politika akbar. Filwaqt li l-enfasi msaħħa fuq il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija apprezzata, kemm fil-fatt se tiġi riflessa fis-CSRs u fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) għadu mhux ċar. Il-governanza ekonomika jeħtieġ li tiġi integrata fil-proċess tas-Semestru Ewropew b’tali mod li jiġi żgurat l-involviment demokratiku tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

L-UE ffaċċjat żviluppi u kriżijiet ekonomiċi u soċjali negattivi anki qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Wara perjodu twil ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wara l-kriżi tas-suq finanzjarju fl-2008, l-ekonomija tal-UE finalment irrankat fl-2014 u mbagħad kellha perjodu ta’ tkabbir u r-rati ta’ impjieg bdew jogħlew. Madankollu, l-investiment pubbliku kien naqas taħt il-livelli meħtieġa biex l-istokk tal-kapital pubbliku jinżamm stabbli bħala sehem tal-PDG. Filwaqt li l-UE b’mod ġenerali hija relattivament għanja skont l-istandards globali, id-diverġenzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, kif ukoll l-inugwaljanzi u d-differenza bejn il-ġeneri fis-soċjetajiet tagħna ppersistew. It-theddida tal-kriżi klimatika u l-isfidi minħabba t-tibdil teknoloġiku kienu diġà evidenti.

2.2.

F’Marzu 2020, il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri meħuda biex din titrażżan biddlu b’mod drammatiku s-sitwazzjoni. L-UE daħlet fl-“agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha” (1), filwaqt li l-isfidi eżistenti kienu għadhom ’il bogħod milli jiġu solvuti. Mhux biss il-pandemija u l-impatti tagħha kienu mingħajr preċedent – iżda l-UE ħadet ukoll firxa ta’ azzjonijiet bla preċedent ta’ solidarjetà biex ittaffi d-diffikultajiet, inkluża l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali u l-istrument SURE (2). B’mod partikolari, il-KESE japprezza l-fatt li l-UE rnexxielha tfassal u tadotta inizjattiva tant wiesgħa bħall-Istrument Ewropew għall-Irkupru f’nofs din il-kriżi severa. Din l-inizjattiva għandha mhux biss tgħin biex tingħeleb il-kriżi, iżda wkoll – kif inhu xieraq – biex jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. L-effett ta’ tisħiħ tal-fiduċja tal-approċċ ġenerali ta’ politika ta’ appoġġ u koeżiva kien ta’ suċċess fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi mill-kriżi, li inkella setgħu rriżultaw f’destabbilizzazzjoni ekonomika u politika.

2.3.

Ir-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija u l-pandemija saret evidenti wkoll mill-irkupru ekonomiku xprunat mis-sitwazzjoni epidemjoloġika mtejba f’nofs l-2021. It-tbassir tal-ħarifa tal-2021 jipprevedi bidla lil hinn mill-irkupru għal espansjoni u rata ta’ tkabbir ta’ 4,3 % fl-2022, filwaqt li l-ħolqien tal-impjiegi huwa mistenni li jsegwi dan it-tkabbir (3). Fl-isfond tal-mewġa l-ġdida tal-pandemija u tal-varjant Omicron, din il-prospettiva pożittiva tista’ sfortunatament ma ssirx realtà. Il-KESE jindika l-livell għoli ta’ inċertezza u l-impatt sinifikanti tal-pandemija fuq l-attività ekonomika.

2.4.

L-indirizzar tal-pandemija u l-prevenzjoni ta’ varjanti ġodda tal-virus ma jistgħux jinkisbu fuq livell nazzjonali biss. Minflok, huwa meħtieġ approċċ transnazzjonali. Il-KESE jitlob kooperazzjoni mill-qrib u ta’ prospettiva rigward il-politika tas-saħħa tal-UE, li mhux biss tgħin biex tingħeleb il-kriżi tas-saħħa iżda wkoll biex jittaffa l-impatt tagħha fuq l-ekonomija. Il-KESE jirrakkomanda li ż-żieda fil-livelli tat-tilqim tkompli tkun prijorità ewlenija u jitlob approċċ globali, speċjalment minħabba li l-provvista globali suffiċjenti ta’ tilqim hija wkoll fl-interess proprju tal-UE. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi dibattitu miftuħ fil-livell tal-UE dwar eżenzjoni temporanja u volontarja tat-TRIPS li tapplika għat-tilqim, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID-19 (4).

2.5.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ multidimensjonali tal-aġenda tas-“sostenibbiltà kompetittiva” deskritta fl-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Sostenibbli. Dan huwa konformi mal-approċċ ta’ politika li tiffoka fuq il-prosperità, kif irrakkomanda l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti, fejn jitlob li jitqiesu diversi għanijiet: is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjieg u xogħol ta’ kwalità għolja, distribuzzjoni ġusta, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, l-istabbiltà fil-prezzijiet, il-kummerċ ibbilanċjat ibbażat fuq struttura industrijali u ekonomika ġusta u kompetittiva, u finanzi pubbliċi stabbli. Dawn l-objettivi huma konsistenti wkoll mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u huma interkonnessi mill-qrib. Pereżempju, approċċ ta’ tkabbir sostenibbli li jmur lil hinn mill-objettiv uniku tat-tkabbir tal-PDG huwa kruċjali għall-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima fl-2050.

2.6.

Barra minn hekk, l-erba’ dimensjonijiet tal-aġenda tas-sostenibbiltà kompetittiva – is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika — huma interkonnessi mill-qrib u ta’ importanza ugwali. Huma kollha ħoloq f’katina unika, u ħolqa minnhom ma tistax teżisti mingħajr l-oħrajn, b’tali mod li l-ebda waħda minnhom mhi subordinata għal oħra. Il-Kummissjoni tenfasizza, bir-raġun, li dawn id-dimensjonijiet għandhom isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Il-KESE jilqa’ dan, iżda jindika wkoll il-periklu ta’ effetti restrittivi. Aktar ma jkun dgħajjef l-involviment tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, aktar hemm ċans ta’ disparitajiet bejn dawn l-erba’ dimensjonijiet.

2.7.

Il-KESE jirrimarka wkoll li mhux l-erba’ dimensjonijiet biss huma interkonnessi – iżda l-kompetittività hija wkoll marbuta mill-qrib magħhom u ta’ importanza daqshom, flimkien mal-kummerċ bilanċjat, li huwa wieħed mill-objettivi ekonomiċi ewlenin. Pereżempju, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali huma elementi kruċjali tal-kompetittività u viċi versa. Il-mudell soċjali Ewropew u b’mod partikolari l-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali huma partijiet kruċjali tal-kompetittività tal-UE. Bl-istess mod, min-naħa l-oħra, il-kummerċ ibbilanċjat ibbażat fuq struttura industrijali u ekonomika ġusta u kompetittiva huwa prerekwiżit importanti għat-tkabbir inklużiv, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali tal-UE.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Sostenibbiltà ambjentali

3.1.1.

Waħda mill-isfidi ewlenin ta’ dan is-seklu hija li l-prosperità ekonomika tiġi diżakkoppjata kemm jista’ jkun mit-theddid għall-ambjent jew mill-qerda tiegħu. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jitolbu azzjoni immedjata. Filwaqt li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan li tiġi miġġielda l-kriżi klimatika, huwa jitlob approċċ olistiku li jqis bl-istess mod it-tipi kollha ta’ ħsara ambjentali, bħat-theddid għall-bijodiversità, l-ilma u l-ħamrija, it-tniġġis tal-arja u l-iskart nukleari u tipi oħra ta’ skart tossiku.

3.1.2.

Bir-raġun, il-Kummissjoni tindika d-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ din it-tranżizzjoni u tenfasizza l-importanza li jiġu ssalvagwardjati l-prosperità u l-benesseri. Il-KESE jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li dawn il-proklamazzjonijiet ma jsarrfux fi slogans fiergħa u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mmappjar granulari u analiżi tal-impatt li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet (5). Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tat-tranżizzjoni. Sabiex jinkiseb dan, il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali, ir-rispett sħiħ għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, il-governanza korporattiva robusta bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (6) u l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tfassil tal-politiki. Dan mhux biss se jiżgura s-sjieda, iżda – fuq kollox – huwa essenzjali biex jiġi żgurat proċess ta’ tranżizzjoni bbilanċjat u inklużiv.

3.1.3.

Dan l-involviment jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod partikolari fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li fih għadd kbir ta’ proposti ta’ politika estensivi. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżammu ktajjen tal-valur industrijali b’saħħithom fl-Ewropa, u jitlob li jkun hemm tmexxija industrijali Ewropea fl-isforz lejn is-sostenibbiltà ambjentali. Il-proposta għal “mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri” għandha l-potenzjal li tbiddel l-impjieg f’kumpaniji ttrasformati favur il-klima f’impjieg aktar robusti u għalhekk hija kruċjali u trid titfassal b’mod effettiv. Fil-kuntest ta’ kwalunkwe bidla lejn tassazzjoni ambjentali, bħall-impożizzjoni ta’ taxxi fuq attivitajiet li jniġġsu, huwa essenzjali li jiġu evitati effetti distributtivi rigressivi u l-faqar enerġetiku. Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għandu jiġi indirizzat f’dan ir-rigward.

3.1.4.

Il-Kummissjoni tindika li t-twettiq tal-aġenda ambizzjuża tal-UE tal-Patt Ekoloġiku se jirrikjedi investimenti sinifikanti li jammontaw għal madwar EUR 520 biljun fis-sena. Se jkunu meħtieġa aktar investimenti biex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. F’dak il-kuntest, il-KESE jindika l-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali minħabba t-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali u r-riċerka u l-iżvilupp. Il-KESE jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ investiment, huwa essenzjali li l-investiment privat kif ukoll l-investiment pubbliku jiġu orjentati mill-ġdid u jiżdiedu. Madankollu, il-kisba tas-sostenibbiltà ambjentali tirrappreżenta ġid pubbliku bir-riskju ta’ falliment tas-suq.

3.1.5.

L-investiment privat għandu rwol kruċjali fiċ-ċirku ekonomiku sabiex jippromovi l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. L-investiment tas-settur privat u l-innovazzjoni, b’mod partikolari, huma meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tas-sostenibbiltà ambjentali, pereżempju fl-oqsma tal-batteriji ġodda għall-karozzi u tal-produzzjoni tal-azzar b’żero CO2. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal klima kummerċjali tajba u jilqa’ l-isforzi biex il-finanzjament privat jiġi kanalizzat lejn ir-reżiljenza għall-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, kif previst mill-istrateġija l-ġdida għall-finanzi sostenibbli (7). Il-KESE jappoġġja wkoll ir-rwol tas-settur pubbliku – b’mod partikolari l-programm InvestEU u l-miżuri rispettivi tan-NextGenerationEU – biex isostni l-investiment privat billi jipprovdi appoġġ immirat f’konformità sħiħa mal-Artikolu 107 tat-TFUE. Madankollu, il-KESE jitlob li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ikunu marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u mar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards ambjentali u l-obbligi fiskali.

3.2.   Produttività

3.2.1.

Fil-produttività, l-effiċjenza tal-produzzjoni ekonomika hija importanti u hija bażikament iddefinita mill-proporzjon tal-output mal-input. It-tkabbir tal-produttività b’mod ġust u sostenibbli jikkontribwixxi għall-kompetittività, il-prosperità u l-konverġenza ’l fuq fuq perjodu ta’ żmien twil. Madankollu, l-isforz għall-produttività b’mod inġust u mhux sostenibbli jista’ jwassal għal aktar pressjoni fuq l-impjegati u l-impjegaturi, ixekkel is-sostenibbiltà ambjentali, joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, iżid l-inugwaljanza u jfixkel il-proċess ta’ tranżizzjoni. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li ttejjeb il-produttività b’mod orjentat lejn il-prosperità billi tippromovi teknoloġiji avvanzati u innovazzjoni, issaħħaħ il-ħiliet tan-nies, iżżid it-taħriġ u edukazzjoni, issaħħaħ it-trasferiment u l-valorizzazzjoni tal-għarfien u tippromovi l-effiċjenza fir-riżorsi. Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari l-fatt li s-sostenibbiltà soċjali hija wkoll element importanti ta’ approċċ ta’ produttività ġusta.

3.2.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti ġodda b’mod ġenerali u b’mod partikolari fis-settur diġitali u jappoġġja b’mod espliċitu s-sejħa tal-Kummissjoni biex l-RRPs jiffukaw ukoll fuq il-bini u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali mill-aktar avvanzati. Tabilħaqq, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ u għandh tgħin lill-Istati Membri jwettqu investimenti u riformi li – fost affarijiet oħra – jippermettu intelliġenza artifiċjali, computing ta’ prestazzjoni għolja, ċibersigurtà, komponenti mikroelettroniċi u elettroniċi u konnettività sigura. Minbarra li tingħata spinta lill-ħiliet diġitali fil-livelli kollha, dan se jipprovdi bażi soda għat-tisħiħ tal-produttività u tal-kompetittività u għalhekk jippromovi bażi ekonomika b’saħħitha u prosperità fit-tul.

3.2.3.

Suq uniku ġust u li jiffunzjona tajjeb jippromovi t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli u inklużivi. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-rispett għall-istat tad-dritt, is-sistemi tal-ġustizzja ta’ kwalità u effiċjenti, l-istrutturi effettivi kontra l-korruzzjoni, l-amministrazzjoni effiċjenti inkluż l-amministrazzjoni tat-taxxa, u l-oqfsa kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-frodi huma fatturi importanti għat-titjib tal-ambjent tan-negozju u għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji. B’xorti ħażina għad hemm żbilanċ bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol. Id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma fundamentali iżda mhumiex parti mil-libertajiet tas-suq intern protetti bil-kostituzzjoni. Id-drittijiet ta’ protezzjoni nazzjonali favur l-impjegati xi kultant huma kklassifikati bħala ostakli amministrattivi għas-suq. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna ħaddiema jipperċepixxu s-suq intern bħala theddida. Il-KESE jappella għal proposti adatti dwar kif jiġi rimedjat dak l-iżbilanċ u jiġu ggarantiti regoli nazzjonali li mhumiex protetti mit-trattati. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda b’saħħa li l-“inizjattiva lil hinn mill-PDG” tiġi segwita bi sforzi b’mod konsistenti (8).

3.2.4.

Il-KESE jirrakkomanda ħafna li jiġu indirizzati l-effetti ekonomiċi u distributtivi negattivi tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Din iż-żieda fil-prezzijiet tista’ tkun minħabba l-attività ekonomika li qed tirpilja bil-qawwa u minħabba t-tfixkil min-naħa tal-provvista, u tista’ tibbilanċja ruħha meta l-iżvilupp ekonomiku jsir aktar stabbli. Madankollu, dan ipoġġi piż immedjat fuq in-naħa tal-produzzjoni u l-kompetittività tal-industrija. Barra minn hekk, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija bl-ingrossa x’aktarx li jaffettwaw il-prezzijiet bl-imnut, u b’hekk ipoġġu piż ulterjuri fuq il-prezzijiet tal-ikel. Anke jekk dawn l-effetti jkunu tranżitorji, jistgħu joħolqu pressjonijiet ’l isfel fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi, biex b’hekk l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx jistgħu jiġu esposti għall-faqar. Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex jiġu miġġielda dawn l-iżviluppi.

3.3.   Il-ġustizzja

3.3.1.

Sa minn ħafna qabel il-kriżi tal-COVID-19, protezzjoni soċjali dgħajfa, żbilanċi u inugwaljanzi kienu jikkostitwixxu problema. B’aktar minn 20 % taċ-ċittadini tal-UE f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, fl-2016 il-BĊE kkonkluda li d-distribuzzjoni tal-ġid nett hija “asimmetrika ħafna” (9). Skont ir-rapport tal-Bank Dinji dwar il-faqar fid-dinja (2018) (10), ftit aktar minn biljun persuna kienu tneħħew mill-faqar assolut matul it-tliet deċennji preċedenti, l-aktar minħabba t-tnaqqis tal-faqar fiċ-Ċina. Il-pandemija naqqset ir-ritmu ta’ din ix-xejra pożittiva. Madankollu, il-ġid għadu miġmugħ fil-quċċata u s-sinjuri nett fil-fatt kisbu aktar ġid matul l-aħħar 25 sena (11). Il-Kummissjoni bir-raġun tindika żieda fl-inugwaljanzi minħabba l-pandemija. L-inugwaljanza mhijiex biss problema fiha nnifisha, iżda tillimita wkoll l-iżvilupp ekonomiku billi trażżan id-domanda privata u sservi bħala bażi għall-ħolqien ta’ tensjoni soċjali. Għalhekk, it-titjib ta’ impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tajbin ta’ ħlas u ta’ xogħol, l-impjieg għal gruppi żvantaġġati u d-dritt għal negozjar kollettiv huma kruċjali. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati r-relazzjonijiet industrijali nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali meta jiġu promossi politiki bħal dawn.

3.3.2.

Il-KESE jilqa’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ekwità jeħtieġ li tkun fil-qalba tal-irkupru. Meta jitqiesu l-inugwaljanza problematika, iċ-ċifri inkwetanti tal-faqar u t-tensjonijiet politiċi, jirriżulta li s-sostenibbiltà soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u d-distribuzzjoni ġusta huma għanijiet importanti fihom infushom. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda ħafna li ssir enfasi mhux biss fuq l-hekk imsejħa tranżizzjoni doppja ambjentali u diġitali, iżda wkoll li jsir sforz għas-sostenibbiltà soċjali flimkien ma’ din. Il-KESE jenfasizza li meta jsiru sforzi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u fl-istess ħin għal tranżizzjoni li hija ekwa u ġusta, li tirrikjedi kundizzjonijiet soċjali sostenibbli, dan jikkostitwixxi bażi għal prosperità u reżiljenza futuri.

3.3.3.

Politiki attivi tas-suq tax-xogħol imfassla tajjeb, servizzi pubbliċi tal-impjiegi u sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li jgħinu lin-nies jippreservaw l-istandards tal-għajxien tagħhom fi żminijiet ta’ tfixkil ekonomiku kif ukoll fil-każ ta’ ħtieġa individwali, huma l-bażi għar-reżiljenza u t-tkabbir inklużiv. L-implimentazzjoni ta’ miżuri għaż-żamma tal-impjiegi, bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, għenet b’mod deċiżiv biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi tal-kriżi fuq is-swieq tax-xogħol. Iżda għalkemm l-appoġġ għad-dħul u x-xbieki tas-sikurezza soċjali evitaw tnaqqis kbir fid-dħul, il-pandemija tal-COVID-19 kixfet ukoll lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Il-KESE jappella għal konverġenza soċjali ’l fuq li tikkontribwixxi għar-reżiljenza ġenerali tal-UE għall-kriżijiet.

3.3.4.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-impatt soċjali tat-tranżizzjoni diġitali, speċjalment minħabba li l-pandemija aċċellerat dan il-proċess. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tindika – fost affarijiet oħra – l-aċċess mhux uniformi għall-apprendiment online, li jista’ jkollu konsegwenzi fit-tul, inklużi livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi, u għalhekk jista’ jaggrava l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu r-riżultati tat-tagħlim fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom. Sabiex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet u biex jiġu evitati differenzi soċjali li qed jiżdiedu, id-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja jeħtieġ jiġi rikonoxxut u jeħtieġ jiġi żgurat l-aċċess għalih. Dan għandu jiġi appoġġjat minn finanzjament pubbliku sabiex jgħin lill-intrapriżi responsabbli jwettqu taħriġ ta’ kwalità tul il-ħajja. Sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali, għandha tingħata attenzjoni mill-qrib lill-aċċessibbiltà għas-servizzi diġitali għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani.

3.3.5.

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid u n-NextGenerationEU, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jammontaw għal EUR 1,824 triljun, li se jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi attwali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza li l-miżuri ta’ politika mħabbra jiġu implimentati kif suppost, sabiex l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jiġu promossi b’mod tanġibbli mill-allokazzjoni tal-fondi. Fuq kollox, in-nefqiet diġà ppjanati ma għandhomx jiġu aċċettati bħala parti mill-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dawn se jgħinu wkoll biex tiġi evitata l-ħtieġa li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali jew li jitnaqqas l-infiq mill-baġit tal-UE.

3.3.6.

Barra minn hekk, l-effetti distributtivi tal-iżborżi tal-fondi u l-impatt soċjali tagħhom iridu jiġu mmonitorjati bir-reqqa wkoll sabiex jiġi żgurat il-kontribut tagħhom għal konverġenza soċjali ’l fuq. Il-Kummissjoni debitament tindika d-diversi aspetti tal-impatt asimmetriku tal-kriżi fuq gruppi, setturi u reġjuni differenti tal-popolazzjoni. Għalhekk, il-KESE jitlob sforzi partikolari biex jiġu protetti l-familji bi dħul baxx u medju u l-persuni vulnerabbli, li huma l-aktar affettwati minn kwalunkwe kriżi u proċess ta’ tranżizzjoni. L-investimenti għandhom jiġu ffinanzjati bil-kundizzjoni li dawn iwasslu għall-ħolqien nett tal-impjiegi u jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema. Kollox ma’ kollox, huwa importanti li l-ġenerazzjonijiet futuri jiksbu l-valur għal flushom mill-infiq tal-lum.

3.4.   L-istabbiltà makroekonomika

3.4.1.

Ix-xokk tal-pandemija mhux biss żied il-vulnerabbiltajiet pre-eżistenti u wassal għal pass lura fit-tnaqqis tal-iżbilanċi bejn l-Istati Membri iżda ħoloq inċertezza akbar. Għalhekk, il-politika tal-ekonomija u monetarja mhux biss jeħtieġ li tibqa’ ta’ appoġġ iżda jeħtieġ ukoll li tkun aġli u lesta li tirreaġixxi għal kwalunkwe tfixkil jew skossi u tiżgura r-reżiljenza tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Meta titneħħa, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-livell ta’ attività ekonomika kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi u tal-faqar meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-politiki fiskali fil-livell nazzjonali u tal-UE kif ukoll il-politiki monetarji għandhom jiġu kkoordinati b’mod prudenti sabiex isaħħu b’mod reċiproku l-effetti maħsuba ta’ appoġġ u stabbilizzazzjoni.

3.4.2.

Il-KESE jitlob bidla lejn governanza ekonomika li tiffoka fuq il-prosperità, li għandha tkun strutturata kif deskritt f’diversi Opinjonijiet (12). Għalhekk, wara li twaqqfet għal kollox minħabba l-pandemija, it-tnedija mill-ġdid tar-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika kien ilu li wasal iż-żmien għaliha sabiex tippromovi politiki fiskali adatti fi żminijiet tajbin kif ukoll f’dawk ħżiena. In-nuqqasijiet tal-qafas fiskali attwali kienu diġà ovvji fl-2020, u l-kriżi tippreżenta sfidi saħansitra aktar serji. Analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit mhux se jiġi ssodisfat minn 23 Stat Membru u lanqas il-kriterju tad-dejn minn 13-il Stat Membru.

3.4.3.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tastjeni milli tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra kwalunkwe Stat Membru u dwar ir-rakkomandazzjoni tagħha li l-Istati Membri għandhom ikomplu jipprovdu appoġġ fiskali filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju ta’ żmien meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu. Dan huwa konformi mad-dikjarazzjoni tal-KESE li jappoġġja t-tkabbir sostenibbli, u b’hekk ikunu jistgħu jissaħħu l-finanzi pubbliċi (13). Madankollu, il-KESE jitlob ukoll li jiġi rikonoxxut li hemm ħtieġa urġenti li jiżdied l-investiment sabiex jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. Madankollu, qabel ma jidħol fis-seħħ il-qafas rivedut, il-Kummissjoni għandha tressaq linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu ma għandhiex tinbeda l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u bil-possibbiltà li tintuża l-“klawżola dwar avvenimenti mhux tas-soltu” fuq bażi speċifika skont il-pajjiż (14).

3.4.4.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-sorveljanza taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) setgħet ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, b’mod partikolari l-pressjonijiet ambjentali (15). Barra minn hekk, l-iżbilanċi soċjali jeħtieġ jiġu mmonitorjati sabiex tiġi kkumpensata l-predominanza tar-rekwiżiti fiskali u makroekonomiċi (16). Peress li l-iżbilanċi soċjali u tal-impjiegi jista’ jkollhom effetti transfruntiera detrimentali, huwa importanti li dawn jiġu identifikati u kkoreġuti fi stadju bikri. Fl-aħħar nett il-KESE jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku.

3.4.5.

L-irkupru ekonomiku u t-tkabbir inklużiv stabbli huma prekundizzjonijiet għal baġits pubbliċi sostenibbli u l-formazzjoni ta’ buffers fiskali. Peress li l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali se jkompli jkollu rwol ewlieni, l-applikazzjoni tar-“regola tad-deheb”, mingħajr ma tipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien u l-valur tal-euro, hija essenzjali jekk irridu li l-proċess ta’ tranżizzjoni jkun ta’ suċċess. Iżda fl-isfond ta’ livell għoli ta’ inċertezza, il-KESE jwissi wkoll kontra t-tnaqqis tal-infiq attwali relatat mal-ispejjeż soċjali, edukattivi u tas-saħħa. Stabilizzaturi awtomatiċi li jiffunzjonaw tajjeb huma essenzjali għall-prevenzjoni ta’ tbatija soċjali, għall-istabbilizzazzjoni tad-domanda u għar-reżiljenza kontra kwalunkwe kriżi. Min-naħa l-oħra, politiki tat-tassazzjoni inġusti bi frodi tat-taxxa u ppjanar aggressiv tat-taxxa jipperikolaw il-flessibbiltà fiskali meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għal skossi u jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. Għalhekk, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-naħa tad-dħul huma milqugħa. Dan huwa minnu wkoll għar-riformi proposti fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fir-rigward ta’ żieda fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa bil-ħsieb li jittejjeb il-ġbir tat-taxxa u jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji u l-individwi.

3.4.6.

Aspett importanti tal-istabbiltà makroekonomika huwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kanali ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-kontribut tas-settur privat għall-isforzi ta’ investiment. Il-KESE jitlob li f’dan ll-proċess jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju u, b’mod partikolari, jilqa’ l-isforzi għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jitqiesu r-riskji tas-sostenibbiltà soċjali, li qed jipperikolaw il-koeżjoni soċjali minħabba d-distakki fid-distribuzzjoni li qed jiżdiedu. Ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju għandha tagħti prijorità wkoll lill-effiċjenza aktar milli lill-kumplessità u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

3.5.   Is-Semestru Ewropew jevolvi

3.5.1.

Il-KESE jenfasizza li bl-Istrument Ewropew għall-Irkupru, l-UE tilħaq fażi ġdida ta’ politika ekonomika u tagħmel pass deċiżiv ’il quddiem lejn is-solidarjetà. Is-Semestru Ewropew tal-2022 li qed jevolvi huwa opportunità biex tittejjeb is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. Il-KESE jitlob impenn għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u t-tisħiħ tal-pożizzjoni demokratika tiegħu b’mod deċiżiv. Barra minn hekk, l-involviment akbar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess tas-semestru ilu mistenni ħafna.

3.5.2.

L-ipproċessar tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza permezz tas-Semestru jżid ir-rilevanza tal-proċess tas-semestru. Barra minn hekk, meta l-iżborż tas-segmenti tal-għotjiet ikun soġġett għall-konformità mar-riformi – stabbiliti fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u li huma bbażati ħafna fuq is-CSRs – dawn tal-aħħar jingħataw piż politiku akbar. Dan jagħmel obbligatorju l-involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti standards minimi għal tali konsultazzjoni (17). Ir-regoli stretti tal-politika ta’ koeżjoni dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-prinċipju tas-sħubija, b’mod partikolari, għandhom jitqiesu, tal-inqas, bħala pjan għall-proċeduri tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (18).

3.5.3.

Diversi studji empiriċi jenfasizzaw li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ffokaw fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u l-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-approċċ bilanċjat tal-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva b’mod partikolari għas-CSRs li ġejjin. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rakkomandazzjoni ta’ riformi bħal politiki attivi u inklużivi tas-suq tax-xogħol u skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja, inklużi programmi għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet u li joffru appoġġ għat-tibdil fil-karriera, inkluż għal gruppi żvantaġġati, bħal persuni b’diżabilità jew l-anzjani.

3.5.4.

B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ l-eżitu tas-Summit Soċjali ta’ Porto, jiġifieri li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta għandha tgħin biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex il-monitoraġġ jiġi integrat fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Għalhekk, il-fokus akbar tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 dwar il-prinċipji tal-Pilastru, flimkien mal-fatt li jinkorpora l-miri ewlenin tal-2030 u l-indikaturi ewlenin tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta fl-analiżi tiegħu, huma milqugħin. Madankollu, il-punt sa fejn dawn il-konklużjonijiet se jiġu riflessi fis-CSRs u fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadu mhux ċar. Barra minn hekk, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom iservu bħala punti ta’ referenza.

3.5.5.

Il-KESE jitlob ukoll riformi li jiggarantixxu li l-fondi tal-UE jiġu assorbiti b’mod effettiv, pereżempju billi jinbnew kapaċitajiet tekniċi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiġu ġestiti proġetti ta’ investiment, għal sistemi ta’ akkwist pubbliku bbażati fuq il-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża minflok l-irħas offerta, li b’hekk jitqiesu l-aspetti tax-xogħol, soċjali u ambjentali, u fl-aħħar nett għal riformi biex jitneħħew ostakli mhux monetarji oħra għal politika ta’ investiment effettiva. B’mod partikolari, il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe użu ħażin tal-fondi u korruzzjoni.

3.5.6.

Il-governanza ekonomika u b’mod partikolari r-regoli tal-qafas tal-politika fiskali jeħtieġ li jiġu integrati fil-proċess tas-Semestru Ewropew b’tali mod li jiġi żgurat l-involviment demokratiku tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. Barra minn hekk, għandha tiġi riformata wkoll bl-għan li jitrawwem djalogu multilaterali u demokratiku dwar l-isfidi makroekonomiċi, soċjali u ambjentali, u li tiġi appoġġjata l-koordinazzjoni tal-politika.

Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Tbassir Ekonomiku, Rebbiegħa 2020, Kummissjoni Ewropea [Mhux disponibbli bil-Malti].

(2)  L-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza.

(3)  Tbassir tal-Ħarifa 2021 [Mhux disponibbli bil-Malti].

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar Noħorġu aktar b’saħħitna wara l-pandemija: Nisiltu tagħlimiet bikrija mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 116).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 101).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar Id-djalogu soċjali għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-ekonomiji (ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija mġedda għal finanzjament sostenibbli (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 97).

(8)  Sfond – Lil hinn mill-PDG, Kummissjoni Ewropea [Mhux disponibbli bil-Malti].

(9)  Il-Bank Ċentrali Ewropew, The Household Finance and Consumption Survey: results from the Second wave, Nru 18 / Diċembru 2016 [mhux disponibbli bil-Malti].

(10)  Grupp tal-Bank Dinji: Poverty and shared prosperity 2018. Piecing together the poverty puzzle. Overview, Immaġni 01; p. 2 [Mhux disponibbli bil-Malti].

(11)  Id-dokument The World Inequality Report 2022 [Mhux disponibbli bil-Malti] jippreżenta l-aktar data aġġornata u kompluta dwar l-inugwaljanza madwar id-dinja.

(12)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika 2020, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227, u dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika 2020 (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227).

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).

(15)  COM(2021) 662 final.

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 13).

(17)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ta’ koeżjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi – komplementarjetajiet/duplikazzjonijiet mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 1).


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Introduzzjoni tal-HERA, l-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, il-pass li jmiss biex titlesta l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa”

(COM(2021) 576 final)

(2022/C 275/10)

Relatur:

Ioannis VARDAKASTANIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 28.10.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

230/3/2

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri tagħha sabiex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa pubblika, qabel, matul u wara li jseħħu. Ġew osservati lakuni fit-tħejjija u fir-rispons għall-pandemija minn persuni li jgħixu fl-Ewropa fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali. Meta l-pandemija nfirxet madwar l-Ewropa, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE ma kinux mgħammra biex jikkoordinaw b’mod adegwat l-azzjonijiet mal-Istati Membri u biex jimplimentaw malajr u b’mod effiċjenti miżuri biex jipproteġu l-ħajja tal-popolazzjoni.

1.2.

Permezz tal-ħolqien tal-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) u billi tqiegħed is-saħħa pubblika u l-ekwità fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tagħha, l-UE u l-Istati Membri tagħha se jkunu jistgħu jiksbu tħejjija u rispons aħjar għal emerġenzi eżistenti u futuri ta’ theddid transkonfinali għas-saħħa.

1.3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ifaħħar il-ħolqien rapidu tal-HERA mill-Kummissjoni Ewropea, li jkompli jibni fuq il-ħidma mnedija mill-pjan ta’ tħejjija għall-bijodifiża stabbilit fi Frar 2021 bħala l-Inkubatur HERA (1). Kienet meħtieġa azzjoni rapida biex ikun hemm rispons għat-tixrid u l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, inklużi l-ħafna mewġiet ta’ infezzjonijiet u dħul l-isptar li l-Istati Membri kollha kienu qed jaffaċċjaw, u li llum għadhom realtà.

1.4.

Madankollu, il-miżuri rapidi ma għandhomx ikunu ta’ detriment għad-demokrazija u għall-ekwità tas-saħħa. Il-ħolqien ta’ struttura ġdida u permanenti tal-UE ta’ importanza bħal din, li topera b’baġit pubbliku sostanzjali, m’għandux ikun ibbażat fuq klawżoli eċċezzjonali riżervati għal kriżijiet akuti. Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar ir-rwol limitat ħafna li l-HERA tikkonferixxi lill-Parlament Ewropew, lill-awtoritajiet reġjonali, lill-korpi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, bħat-trade unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema fis-setturi tas-saħħa, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika, tal-pazjenti u tal-ugwaljanza, il-fornituri ta’ servizzi u l-infrastruttura mingħajr skop ta’ qligħ u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka mhux kummerċjali. Il-KESE jemmen li dawn il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw rwol attiv fil-ħidma tal-HERA. B’mod partikolari, il-KESE jirrimarka r-rwol kruċjali li għandhom il-ħaddiema tal-ewwel linja, speċjalment dawk li jaħdmu fis-setturi tal-kura tas-saħħa u l-voluntiera, fir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19.

1.5.

Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-industrija fl-indirizzar tal-emerġenzi tas-saħħa, għandu jiġi ggarantit bilanċ ġust biex jiġi żgurat li s-saħħa pubblika u l-interessi tal-gruppi vulnerabbli jkunu fil-qalba tat-tħejjija u tar-rispons tal-UE. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Parlament Ewropew, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-Bord u fil-Forum Konsultattiv tal-HERA b’mod sinifikanti. Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ sottogrupp tal-Forum Konsultattiv fuq l-istess livell tal-forum konġunt dwar il-kooperazzjoni industrijali. Il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollhom siġġu f’dan is-sottogrupp.

1.6.

Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u ftuħ fir-rigward tal-istruttura attwali tal-HERA. Minkejja li l-Kummissjoni tifformalizza l-miżuri ad hoc li ġew introdotti matul il-pandemija, hija ma jirnexxilhiex iddaħħal aktar trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Il-governanza trasparenti tal-finanzjament pubbliku u tal-kooperazzjoni mal-imsieħba privati hija essenzjali biex tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza fil-ġestjoni tal-emerġenzi tas-saħħa. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-fondi allokati u minfuqa mill-HERA u permezz tagħha, ikkuntrattar miftuħ, u l-possibbiltà li s-soċjetà ċivili tkun involuta fis-sorveljanza tal-aspetti finanzjarji tal-awtorità.

1.7.

Miżuri oħra huma sinifikanti wkoll biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ tħejjija u ta’ rispons, inkluż l-użu ta’ kontromiżuri mediċi, jirnexxu fl-Istati Membri. Il-KESE jqis li l-HERA għandha tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-kampanji ta’ komunikazzjoni relatati mal-prevenzjoni u r-rispons għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika, inkluż billi timmira lejn persuni li huma l-aktar f’riskju, u billi taħdem mal-awtoritajiet lokali, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar ix-xjenza u t-tilqim.

1.8.

Id-dimensjoni internazzjonali tat-theddid transkonfinali għas-saħħa għandha tiġi indirizzata wkoll. Il-KESE jqis li l-HERA jeħtiġilha jkollha rwol importanti fl-azzjoni globali kontra t-theddid transkonfinali għas-saħħa u l-pandemiji, b’mod partikolari permezz tal-COVAX, kif ukoll ta’ mediċini u terapiji ġodda potenzjali, u billi tissaħħaħ u tiġi appoġġjata l-arkitettura globali tas-sigurtà tas-saħħa. Il-HERA għandha timpenja ruħha li taħdem ma’ atturi globali, fosthom l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, biex tikkondividi l-intelligence u tappoġġja l-aċċess globali għall-vaċċini u għal kontromiżuri mediċi oħra. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tmexxi dibattitu miftuħ fil-livell Ewropew dwar eżenzjoni temporanja u volontarja fir-rigward tat-TRIPS, li tkun tapplika għall-vaċċini, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID-19, sabiex tkun tista’ tiżdied il-produzzjoni globali tal-vaċċini u jitnaqqsu l-ispejjeż biex jiġi żgurat l-aċċess għan-nies fid-dinja kollha.

1.9.

Il-HERA ġiet ippreżentata bħala struttura flessibbli li se tiġi adattata kif meħtieġ, b’rieżami fil-fond skedata għall-2025. Huwa kruċjali li t-tħassib li tqajjem dwar l-istruttura, il-funzjonament u l-iskrutinju tal-HERA jiġi indirizzat mill-aktar fis possibbli, u li l-impatt tal-miżuri meħuda mill-awtorità jiġi mmonitorjat regolarment fid-dawl tal-pandemija attwali. Il-KESE jirrakkomanda li, matul ir-rieżami tal-2025, il-Kummissjoni tikkunsidra li tittrasforma l-HERA f’awtorità pubblika indipendenti li ma tagħmilx parti mill-istruttura tal-Kummissjoni, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva li tinvolvi lill-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur, u wara konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali.

1.10.

Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-isforzi finanzjarji li saru biex tiġi ffinanzjata l-HERA ma jwasslux għal inqas investiment f’objettivi oħra tal-programm L-UE għas-Saħħa, b’mod partikolari l-Pjan biex Jingħeleb il-Kanċer. Wara snin ta’ awsterità, il-politiki tas-saħħa u s-sistemi tas-saħħa jkomplu jeħtieġu investiment kbir.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jappoġġja l-impenn u l-inizjattivi tal-istituzzjonijiet Ewropej, inklużi dawk tal-Kummissjoni, immirati lejn il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tas-saħħa u l-iżgurar tal-benesseri sostenibbli taċ-ċittadini tagħha. Approċċ għas-saħħa bbażat fuq il-popolazzjoni, transsettorjali u olistiku huwa dimensjoni ewlenija għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

2.2.

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien rapidu u l-operazzjonalizzazzjoni tal-HERA mill-Kummissjoni. Il-HERA l-ġdida ġiet stabbilita bl-objettiv li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tipprevjeni, tidentifika u tirreaġixxi malajr għal emerġenzi tas-saħħa transkonfinali, b’enfasi fuq l-iżvilupp, il-manifattura, l-akkwist, u d-distribuzzjoni analoġika ta’ kontromiżuri mediċi u mediċinali ewlenin.

2.3.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-mewġiet suċċessivi tagħha enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tipprevjeni, tidentifika u tirreaġixxi malajr għal emerġenzi transkonfinali tas-saħħa, b’enfasi fuq l-iżvilupp, il-manifattura, l-akkwist, u d-distribuzzjoni ekwa u analoġika ta’ kontromiżuri mediċi u mediċinali ewlenin. Il-KESE jinnota li minbarra l-effetti viżibbli immedjatament tal-pandemija, hemm pandemiji silenzjużi addizzjonali, b’mod partikolari l-posponiment tal-kura għall-mard mhux komunikabbli (fost l-oħrajn, il-kanċer), l-aggravar tal-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa, id-deterjorament tas-saħħa mentali u l-konnessjoni tas-saħħa u tal-ambjent f’viżjoni ekosistemika (approċċ “saħħa waħda”).

2.4.

Il-KESE josserva li ntilfu miljuni ta’ ħajjiet mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u li miljuni oħra għadhom affettwati. Huwa jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom il-ħaddiema tal-ewwel linja, b’mod partikolari l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u l-voluntiera, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-korpi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, il-fornituri ta’ servizzi, u l-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza, biex jiġu żgurati risponsi rapidi u ugwaljanza fis-saħħa.

2.5.

Il-HERA hija waħda mill-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u s-solidarjetà Ewropej u internazzjonali kkonsolidati u msaħħa. Jeħtieġ li tiġi integrata f’qafas ta’ governanza ta’ diversi partijiet ikkonċernati u ta’ diversi livelli. Il-kooperazzjoni sostenibbli u reżiljenti dwar il-HERA tista’ tinkiseb biss permezz ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni mmirata lejn il-prevenzjoni ta’ pandemiji futuri b’teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet u l-attivazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkunu involuti varjetà ta’ atturi, inklużi l-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet reġjonali, il-korpi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u s-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-imsieħba soċjali bħat-trade unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema fis-setturi tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika, tal-pazjenti u tal-ugwaljanza, il-fornituri ta’ servizzi u l-infrastruttura mingħajr skop ta’ qligħ, u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka mhux kummerċjali.

2.6.

Il-KESE preċedentement esprima l-fehma u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-ħolqien ta’ awtorità futura għar-rispons f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa fl-Opinjoni dwar Il-Bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa adottata f’April 2021 (2). Il-KESE jitlob segwitu għall-Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2021 dwar il-ħidma biex tissaħħaħ it-tħejjija, ir-rispons u r-reżiljenza kollettivi għal kriżijiet futuri, li hija prijorità politika trasversali ewlenija għall-Unjoni. Il-Kunsill irrakkomanda “t-tisħiħ tar-rispons u t-tħejjija tal-UE għall-kriżijiet f’approċċ li jkopri l-perikli kollha” u “il-bini u l-monitoraġġ tar-reżiljenza u l-indirizzar ta’ oqsma fejn aħna esposti” (3).

3.   Rieżami tal-oqfsa istituzzjonali u operazzjonali tal-HERA

3.1.

F’Settembru 2021, il-Kummissjoni ħabbret il-ħolqien u l-bidu immedjat tal-operat tal-HERA. L-awtorità l-ġdida ġiet stabbilita bħala struttura fi ħdan il-Kummissjoni bi tliet missjonijiet ewlenin biex: (a) issaħħaħ il-koordinazzjoni tas-sigurtà tas-saħħa fl-UE matul iż-żminijiet ta’ tħejjija u ta’ rispons għall-kriżijiet, u biex tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri, l-industrija u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fi sforz komuni; (b) tindirizza l-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi strateġiċi fl-UE relatati mal-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-kumulazzjoni ta’ riżerva u d-distribuzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi; u (c) tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-arkitettura globali għat-tħejjija u għar-rispons f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa.

3.2.

Il-KESE jisħaq li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, motivata mill-urġenza, li tagħżel “Awtorità”, bħala struttura interna fi ħdan il-Kummissjoni, aktar milli “Aġenzija” ma għandhiex teskludi rieżami u evoluzzjoni possibbli lejn awtorità indipendenti jew saħansitra aġenzija Ewropea. L-evalwazzjonijiet annwali u l-evalwazzjoni fil-fond fl-2025 għandhom ikunu ffokati fuq dan.

3.3.

Waħda mid-dimensjonijiet tal-HERA hija r-rwoli differenti li se jkollha matul il-fażijiet ta’ tħejjija u ta’ kriżi. Fil-“fażi ta’ tħejjija”, din se tmexxi l-investimenti u l-azzjonijiet fit-tisħiħ tal-prevenzjoni, tat-tħejjija u tal-istat ta’ tħejjija għal emerġenzi ġodda tas-saħħa pubblika. Fil-“fażi ta’ kriżi”, din se tibbaża fuq setgħat aktar b’saħħithom għat-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza. L-azzjonijiet tagħha fiż-żewġ fażijiet se jkunu mmirati biex jiżguraw aċċess rapidu għal kontromiżuri mediċi sikuri u effettivi fuq l-iskala meħtieġa. Il-programmi ta’ tħejjija u fil-każ ta’ pandemija għandhom jinbdew mal-Istati Membri peress li dan huwa sforz kollettiv u se jkun essenzjali biex il-HERA tissodisfa l-missjoni tagħha bis-sħiħ.

3.4.

Għalkemm kien urġenti li l-UE toħloq u tibda tħaddem awtorità għat-tħejjija u għar-rispons f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa biex tappoġġja minnufih ir-rispons għall-COVID-19, li għadha qed tinfirex madwar l-Ewropa u mad-dinja, hemm il-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-HERA tkun mgħammra biex issaħħaħ b’mod effiċjenti l-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ tħejjija u ta’ rispons u biex tipproteġi b’mod adegwat is-saħħa u l-ħajja tan-nies li jgħixu fl-UE f’każ ta’ emerġenzi tas-saħħa pubblika. Għal dan il-għan, għandu jiġi żgurat li l-istruttura u l-funzjonament tal-HERA jkunu trasparenti u jistgħu jiġu skrutinati, inkluż biex jiġi mmonitorjat l-impatt fuq is-saħħa pubblika. Il-governanza trasparenti u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma essenzjali biex jippermettu l-iskrutinju pubbliku, jibnu l-fiduċja u l-kunfidenza fis-sistema tar-riċerka u l-iżvilupp, u jiżguraw l-obbligu ta’ rendikont.

3.5.

Il-KESE jinnota li waħda mil-linji gwida li għandna nippromovu fl-iskambji bejn il-kumitati Ewropej u dawk nazzjonali u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, hija d-demokrazija fis-saħħa. Fid-dawl tal-kwistjonijiet kumplessi li rriżultaw mill-emerġenzi tas-saħħa u mir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, il-KESE jirrakkomanda li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni obbligatorju bħala prerekwiżit għat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-għan huwa li l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu involuti mill-qrib kemm jista’ jkun fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur tas-saħħa.

3.6.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-ħidma mwettqa mill-HERA ssaħħaħ u tlesti l-azzjonijiet imwettqa minn korpi oħra tal-UE bħall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).

4.   Il-mandat tal-HERA u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tagħha

4.1.

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari r-rwol ta’ koordinazzjoni li se jkollha l-HERA biex tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-kumulazzjoni ta’ riżerva u d-distribuzzjoni ġusta tal-kontromiżuri mediċi. F’dan ir-rigward, il-HERA se timla lakuna importanti fil-qafas tal-UE dwar is-saħħa. L-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi se jirrikjedu investimenti sostanzjali. Il-kumulazzjoni ta’ riżerva se tirrikjedi ppjanar adegwat u livell għoli ta’ għarfien espert biex tiġi żgurata l-protezzjoni futura taċ-ċittadini tal-UE u s-sostenibbiltà ekonomika. Dejjem hemm riskju ta’ ħela, li jkollu eżitu ekonomiku negattiv ċar. Huwa importanti wkoll li tiġi ddefinita lista ta’ sustanzi attivi meħtieġa għall-manifattura ta’ mediċini li għandhom jiġu manifatturati fl-UE biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-indipendenza tal-mediċina.

4.2.

Il-KESE jirrimarka għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Nisiltu tagħlimiet bikrija mill-pandemija tal-COVID-19” (4), bil-għan li tiżdied l-azzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bħala pubblikazzjoni li għandha tiġi estiża u sistematizzata darbtejn fis-sena taħt l-umbrella tal-HERA. F’termini ta’ tkabbir, jeħtieġ li jitwettqu konsultazzjonijiet upstream bejn diversi partijiet ikkonċernati bil-għan li tinkiseb ħarsa ġenerali sħiħa.

4.3.

Il-KESE jqis li l-mandat attwali tal-HERA huwa nieqes mill-ambizzjoni. Skont il-qafas attwali, il-HERA titlef l-opportunità li verament tiddefendi l-interess pubbliku u tiżgura l-ekwità matul iż-żminijiet ta’ tħejjija u rispons għall-kriżijiet. Minkejja li l-Kummissjoni ħabbret li l-HERA se jkollha kapaċitajiet għall-mekkaniżmi tal-ġbir, l-analiżi u l-kondiviżjoni tad-data, ma ttieħed l-ebda impenn biex jiġi żgurat il-ġbir ta’ data diżaggregata aħjar dwar gruppi vulnerabbli. Tali data hija prerekwiżit għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa u bħalissa ma tinġabarx mill-ECDC. Il-HERA lanqas ma timpenja ruħha li tiżgura n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-kontromiżuri mediċi. Fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-Bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa, il-KESE diġà enfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq in-nondiskriminazzjoni fir-rispons tal-UE għal pandemiji futuri u r-rwol li l-HERA jista’ jkollha f’dan ir-rigward (5).

4.4.

Il-KESE jemmen li l-HERA għandha tieħu miżuri addizzjonali biex tiżgura li l-ħidma tagħha tikkontribwixxi għall-ugwaljanza matul emerġenzi tas-saħħa, inklużi emerġenzi transkonfinali tas-saħħa. Meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni kkoordinati u aċċessibbli matul il-pandemija tal-COVID-19, il-HERA jista’ jkollha rwol ukoll biex tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-kampanji ta’ komunikazzjoni relatati mal-prevenzjoni u r-rispons għal kriżijiet transkonfinali tas-saħħa, immirati speċifikament lejn in-nies l-aktar f’riskju u gruppi vulnerabbli. Il-HERA għandha tindirizza wkoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali matul il-pandemiji u emerġenzi transkonfinali tas-saħħa oħra. Il-libertà tal-moviment hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni u għandha tiġi ggarantita għall-pazjenti, inkluż sabiex tiġi żgurata ekwità tas-saħħa akbar.

4.5.

Għandha tiġi kkunsidrata wkoll azzjoni ulterjuri fir-rigward tad-dimensjoni internazzjonali tal-HERA biex tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-arkitettura globali għat-tħejjija u għar-rispons f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa. Il-Komunikazzjoni dwar il-HERA tonqos milli tinkludi rekwiżit li jiġu kondiviżi l-għarfien espert, id-data u t-teknoloġiji maħluqa bl-għajnuna tal-finanzjament tar-riċerka pubblika, kif ukoll klawżola dwar l-ipprezzar raġonevoli. Id-dimensjoni internazzjonali tal-HERA hija partikolarment importanti, mit-tħejjija sar-rispons għal theddid transkonfinali għas-saħħa. Il-kriżi attwali tal-COVID turi li l-kriżijiet transkonfinali tas-saħħa ma jistgħux jiġu solvuti mingħajr ma jiġi żgurat rispons internazzjonali rapidu u effiċjenti, inkluż l-aċċess għal tagħmir protettiv personali u t-tilqim. Il-HERA għandha timpenja ruħha wkoll li taħdem ma’ atturi globali, tikkondivid l-intelligence u tappoġġja l-aċċess globali għall-vaċċini u għal kontromiżuri mediċi oħra.

4.6.

Dment li l-HERA tiffoka fuq it-titjib tas-sigurtà tas-saħħa u tkun soġġetta għal sistema ta’ kontrokontrolli, l-Istati Membri jistgħu jżidu b’mod sinifikanti r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jirrispondu għall-kriżijiet tas-saħħa. Il-gvernijiet nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom għalhekk ifittxu li jsaħħu l-istruttura tal-HERA u jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fil-futur.

4.7.

Il-KESE jibqa’ mħasseb dwar id-duplikazzjonijiet potenzjali mal-ħidma ta’ korpi oħra, fosthom l-EMA u l-ECDC. F’xi oqsma bħat-tħejjija għall-kriżi, ir-riċerka, id-data u d-distribuzzjoni koordinata tal-mediċini u tal-apparat mediku, il-valur miżjud għadu mhux ċar fid-dawl tal-proposti biex jiġi estiż il-mandat tal-ECDC u tal-EMA, u r-Regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Pereżempju, fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-Bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa (6), il-KESE staqsa jekk ir-rakkomandazzjonijiet li jiġu mill-HERA jkollhomx preċedenza fuq dawk li jiġu mill-EMA fil-każ tad-dikjarazzjoni ta’ epidemija li taffettwa lill-UE. Għalhekk, is-sinifikat tal-koordinazzjoni huwa evidenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u fl-istess ħin biex jiġu riflessi l-valuri Ewropej billi tiġi inkorporata l-kollaborazzjoni ggwidata mill-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità.

4.8.

Il-Bord tal-HERA se jkollu l-mandat li jiżgura “li jiġi evitat trikkib ma’ strutturi ewlenin oħrajn, bħall-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Vaċċini u l-kumitati rilevanti involuti fil-ġestjoni tal-programmi tal-UE, b’kuntatti mill-qrib meħtieġa” (7). Il-KESE jesprimi dubju dwar jekk dan l-impenn huwiex se jkun biżżejjed biex tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-ħidma tal-istrutturi differenti tal-UE.

4.9.

Il-KESE jitlob ukoll kjarifika dwar il-mandat tal-HERA fir-rigward tar-reżistenza għall-antimikrobiċi bħala theddida għas-saħħa globali, li qed tkompli tmur għall-agħar, minkejja l-għarfien emerġenti dwar is-serjetà u l-iskala tal-problema. Għalkemm ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija kwistjoni kumplessa u transsettorjali, mandati mhux ċari jheddu li jċajpru r-responsabbiltajiet u l-inizjattivi ta’ politika. Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija kwistjoni kruċjali għall-approċċ “Saħħa Waħda”.

5.   Il-funzjonament u l-iskrutinju tal-HERA

5.1.

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-istruttura u n-nuqqas ta’ indipendenza tal-HERA. L-Awtorità inizjalment kienet ispirata mill-eżempju tal-BARDA (Awtorità għar-Riċerka u għall-Iżvilupp Avvanzati fil-qasam Bijomediku) tal-Istati Uniti (8) u mfassla bħala aġenzija indipendenti u awtonoma. Minflok, il-HERA ġiet stabbilita bħala struttura taħt il-mandat tal-Kummissjoni. Il-HERA tidher li hija primarjament awtorità teknika u għad ma għandhiex komponent strateġiku li jħares ’il quddiem (ta’ prospettiva) biex jiġu indirizzati d-determinanti tat-theddid transkonfinali.

5.2.

Il-KESE jesprimi dubju dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u involviment tal-Parlament Ewropew qabel u waqt l-istabbiliment tal-HERA. Jinsab imħasseb ukoll li fl-istruttura attwali tagħha, ir-rwol tal-Parlament Ewropew tnaqqas għal sempliċi vot dwar il-baġit u għal rwol ta’ osservatur fil-Bord tal-HERA. Għalkemm il-Kummissjoni timpenja ruħha għal skambji regolari mal-Parlament Ewropew dwar il-ħidma tal-HERA, dan mhuwiex rekwiżit u ma ngħatat l-ebda speċifikazzjoni ulterjuri fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-KESE jfakkar li l-iskrutinju demokratiku huwa essenzjali fl-iżvilupp tal-politiki tas-saħħa pubblika, u ma jistax iseħħ mingħajr ma l-Parlament Ewropew ikollu rwol attiv fil-ħidma tal-HERA.

5.3.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u speċjalment it-trade unions li jirrappreżentaw lill-forza tax-xogħol fis-setturi kkonċernati, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika, tal-pazjenti, u tal-ugwaljanza, u l-fornituri ta’ servizzi, għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-interess pubbliku jkun fil-qalba tal-politiki tas-saħħa pubblika u tal-miżuri meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rispons għall-kriżijiet. B’mod partikolari, is-soċjetà ċivili tista’ tipprovdi feedback dwar l-aċċettabbiltà tal-miżuri tas-saħħa pubblika, u informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli. Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni tas-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-imsieħba soċjali, fl-istruttura u l-funzjonament tal-HERA. Fi ħdan l-istruttura attwali, is-soċjetà ċivili organizzata tista’ tikkontribwixxi biss għall-ħidma tal-Forum Konsultattiv tal-HERA ma’ partijiet ikkonċernati esterni oħra, inklużi l-industrija u l-qasam akkademiku. Pereżempju, is-soċjetà ċivili ma ġiet allokata l-ebda rwol fil-Bord tal-HERA u fil-Bord għall-Kriżi tas-Saħħa li se jikkoordina azzjonijiet urġenti matul fażi ta’ kriżi.

5.4.

B’paragun ma’ dan, l-HERA tagħti rwol aktar predominanti lill-industrija. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-HERA tipprevedi kollaborazzjoni msaħħa mal-industrija fir-rigward tal-identifikazzjoni tat-theddid u t-tisħiħ tar-reżiljenza industrijali fl-UE u lil hinn minnha. Din tħabbar ukoll il-ħolqien ta’ Forum Konġunt ta’ Kooperazzjoni Industrijali bħala sottogrupp tal-Forum Konsultattiv, li se jinkludi rappreżentanti tal-industrija. Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-industrija fl-indirizzar tal-emerġenzi tas-saħħa, huwa mħasseb li l-istruttura attwali tal-HERA tista’ tonqos milli tiżgura li s-saħħa pubblika u l-interessi tal-gruppi vulnerabbli jkunu fil-qalba tat-tħejjija u tar-rispons tal-UE, u li minflok ikunu jiffavorixxu l-politika industrijali. Fi kwalunkwe każ, politika industrijali sostenibbli għandha tkun konformi mal-objettivi tal-HERA u għandha tinvolvi b’mod proattiv lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Għalhekk, il-Forum Konġunt ta’ Kooperazzjoni Industrijali jeħtieġ li jinvolvi mhux biss lir-rappreżentanti tal-industrija iżda wkoll lit-trade unions biex itejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (9).

5.5.

Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ sottogrupp tal-Forum Konsultattiv fuq l-istess livell tal-forum konġunt ta’ kooperazzjoni industrijali. Is-sottogrupp għandu jinkludi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħal organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tas-saħħa pubblika, korpi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, imsieħba soċjali – inklużi t-trade unions mis-settur tas-saħħa – u l-infrastruttura mingħajr skop ta’ qligħ u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka mhux kummerċjali. Il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollhom ukoll siġġu f’dan is-sottogrupp.

5.6.

It-trasparenza hija tħassib ieħor dwar l-istruttura attwali tal-HERA. Pereżempju, ma hemmx biżżejjed trasparenza dwar l-allokazzjoni ta’ finanzjament pubbliku jew dwar ftehimiet ta’ xiri, id-dettalji tal-kuntratti jew l-intrapriżi benefiċjarji, inklużi, pereżempju, il-prezzijiet tal-vaċċini. Il-governanza trasparenti tal-finanzjament pubbliku u tal-kooperazzjoni mal-imsieħba privati hija essenzjali biex tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza fil-ġestjoni tal-emerġenzi tas-saħħa. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-fondi allokati u minfuqa mill-HERA u permezz tagħha, l-ikkuntrattar miftuħ, u l-possibbiltà li s-soċjetà ċivili tkun involuta fis-sorveljanza tal-aspetti finanzjarji tal-awtorità (10).

5.7.

Għalkemm il-KESE jilqa’ l-allokazzjoni ta’ baġit ta’ EUR 6 biljun sal-2027 mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali u minn NextGenerationEU, u EUR 24 biljun investiti minn programmi oħra tal-UE bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, REACT-EU u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni, il-KESE huwa tal-fehma li huma meħtieġa skrutinju u demokrazija akbar biex dan l-investiment ikun utli.

5.8.

Il-KESE jitlob li dan l-isforz finanzjarju għall-HERA ma jsirx għad-detriment tal-objettivi l-oħra tal-programm l-UE għas-Saħħa, b’mod partikolari l-pjan dwar il-kanċer. Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Programm l-UE għas-Saħħa jibqgħu rilevanti. Wara snin ta’ awsterità, il-politiki tas-saħħa u s-sistemi tas-saħħa jirrikjedu investiment kbir.

6.   Il-futur tal-HERA

6.1.

Il-HERA tfasslet biex tkun struttura flessibbli li se tiġi adattata kif meħtieġ. Fl-2025 huwa previst rieżami tal-implimentazzjoni u tal-operat tagħha, inklużi l-istruttura u l-governanza.

6.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-governanza tal-HERA għandha tiġi rieżaminata mill-aktar fis possibbli biex jiġu żgurati skrutinju u rappreżentanza aħjar. B’mod partikolari, din għandha:

tiżgura rwol aktar b’saħħtu tal-Parlament Ewropew;

issaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali u l-kooperazzjoni magħhom;

tiżgura li r-rwol tal-industrija jkun ibbilanċjat u skrutinizzat sew.

6.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra t-trasformazzjoni tal-HERA bħala awtorità pubblika indipendenti li ma tagħmilx parti mill-istruttura tal-Kummissjoni (11), permezz ta’ proċedura leġiżlattiva li tinvolvi lill-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur. Huwa essenzjali wkoll li s-soċjetà ċivili organizzata tkun involuta fi kwalunkwe diskussjoni futura dwar l-istruttura u l-mandat tal-HERA u matul ir-rieżami fil-fond tagħha fl-2025.

6.4.

Il-HERA rieżaminata għandha tpoġġi enfasi akbar fuq is-saħħa pubblika u t-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet għas-servizz taċ-ċittadini tal-UE. Il-KESE jqis li l-HERA għandu jkollha rwol biex tindirizza l-inugwaljanzi fis-saħħa f’emerġenzi transkonfinali tas-saħħa u l-impatt futur li l-emerġenzi tas-saħħa għandhom fuq gruppi soċjali b’riskju għoli, kif ukoll fuq il-ħaddiema tas-saħħa u tal-kura. Dan jista’ jinkiseb billi:

6.4.1.

Tiġi ggarantita inklużjoni aħjar tas-soċjetà ċivili: l-istruttura tal-HERA għandha tiġi rieżaminata biex tinkludi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika, il-pazjenti, l-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza, u l-impjegati u t-trade unions tagħhom, fil-korpi u fil-proċessi rilevanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Pereżempju, minbarra l-proposta għal sottogrupp tal-Forum Konsultattiv, il-HERA tista’ tistabbilixxi Task Force speċifika li tiffoka speċifikament fuq popolazzjonijiet f’riskju u gruppi vulnerabbli.

6.4.2.

Tinġabar data diżaggregata: peress li l-iżgurar tal-ġbir ta’ data diżaggregata aħjar fi gruppi vulnerabbli u l-għadd ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa huwa prerekwiżit għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa, u għall-kisba ta’ livelli adegwati ta’ persunal abbażi tal-ħtiġijiet, il-KESE huwa tal-fehma li l-HERA għandha tinvesti fil-ġbir u d-diżaggregazzjoni tad-data.

6.4.3.

Jiġu kkoordinati kampanji ta’ komunikazzjoni waqt emerġenzi transkonfinali tas-saħħa: il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li l-HERA tikkoordina kampanji ta’ komunikazzjoni waqt emerġenzi tas-saħħa biex tiżgura li n-nies ikollhom livell aħjar ta’ fehim dwar kif jipproteġu lilhom infushom, x’adattamenti jeħtieġu biex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum jibqgħu sikuri u, jekk u meta t-trattamenti jkunu disponibbli, kif ikollhom aċċess għalihom. Fil-fażi ta’ tħejjija, il-HERA tista’ tiżgura wkoll komunikazzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ pandemija u tħejji liċ-ċittadini tal-UE għal theddid għas-saħħa fil-futur.

6.4.4.

Tiġi żviluppata informazzjoni affidabbli, ivverifikata u semispeċjalizzata għas-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni tal-popolazzjoni permezz tal-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri u tal-atturi tas-saħħa (is-soċjetà ċivili, l-ekonomija soċjali, inklużi s-soċjetajiet reċiproċi), biex jafdaw fix-xjenza u biex ikunu aktar adattivi li jaċċettaw it-tilqim mhux biss fi kriżi pandemika iżda wkoll f’każ ta’ endemiji. Il-HERA għandha tikkunsidra wkoll programm ta’ taħriġ speċifiku tal-UE li għandu jiġi offrut lill-uffiċjali tas-saħħa pubblika u lill-professjonisti tas-saħħa sabiex jippromovi u jappoġġja l-kultura ġenerali tal-UE fit-tiswir tax-xjenza u fl-indirizzar ta’ theddid għas-saħħa attwali u futur.

6.4.5.

Jiġu organizzati konsultazzjonijiet upstream bejn diversi partijiet ikkonċernati bil-ħsieb li jiġu abbozzati rapporti Ewropej darbtejn fis-sena u rapporti nazzjonali annwali.

6.5.

L-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jispeċjalizzaw fil-prodotti mediċi u mediċinali għandu jkollhom rwol essenzjali fil-pandemiji futuri u għandhom jiġu stabbiliti ċerti inċentivi u protokolli fi ħdan il-HERA biex jingħataw l-għodod u l-finanzjament meħtieġa biex ikopru l-aspetti kollha tal-ġlieda kontra l-pandemiji futuri u endemiji li jistgħu jsiru pandemiji.

6.6.

Inċentiv ekonomiku reali għall-SMEs ikun li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Pjan Strateġiku 2020-2024 u b’mod speċjali fil-programm InvestEU (2021-2027) li għandu l-għan li jagħti spinta addizzjonali lill-investiment sostenibbli, l-innovazzjoni, it-trasformazzjoni diġitali u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa.

6.7.

Il-produzzjoni ta’ aktar minn 1,3 biljun vaċċin kienet biżżejjed biex titlaqqam aktar minn 75 % tal-popolazzjoni adulta (12), u biex nofs il-produzzjoni tiġi esportata biex tiġi miġġielda l-pandemija globali (13). Madankollu, l-iżgurar tal-aċċess għat-tilqim għall-25 % tal-popolazzjoni attwalment mhux imlaqqma għadu essenzjali biex jiġu salvati l-ħajjiet. Il-HERA għandha tkompli tmexxi azzjoni globali kontra t-theddid transkonfinali għas-saħħa u l-pandemiji, inkluż billi tiżgura l-ekwità globali tal-vaċċini. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tkompli twieġeb għall-kriżi b’mod konsistenti u globali, b’mod partikolari permezz tal-faċilità COVAX, kif ukoll permezz ta’ mediċini u terapiji ġodda potenzjali, u ssaħħaħ u tappoġġja l-arkitettura globali tas-sigurtà tas-saħħa. Għandha ssaħħaħ ukoll ir-rwol tal-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. F’dan il-kuntest, sabiex iwieġeb għall-ħtiġijiet urġenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod partikolari, il-KESE jkompli jistieden lill-Kummissjoni tmexxi dibattitu miftuħ fil-livell Ewropew dwar eżenzjoni temporanja u volontarja fir-rigward tat-TRIPS, li tkun tapplika għall-vaċċini, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID-19, sabiex tkun tista’ tiżdied il-produzzjoni globali tal-vaċċini u jitnaqqsu l-ispejjeż biex jiġi żgurat l-aċċess għan-nies fid-dinja kollha (14).

6.8.

Mekkaniżmi effettivi biex jiġi żgurat l-aċċess globali għall-vaċċini u t-terapiji żviluppati bil-fondi pubbliċi huma u se jkunu kruċjali biex jiġu evitati l-inugwaljanzi attwali fil-vaċċini madwar id-dinja – fejn madwar 60 % tal-persuni li jgħixu f’pajjiżi b’introjtu għoli rċevew mill-inqas doża waħda, meta mqabbla ma’ 24 % biss f’pajjiżi b’introjtu medju u inqas minn 2 % f’pajjiżi b’introjtu baxx. L-UE jeħtiġilha tqis il-mantra – ippruvata xjentifikament – li “Ħadd mhuwa sikur sakemm kulħadd ikun sikur”.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2021) 78 final, 12 ta’ Frar 2021.

(2)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109.

(3)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-22-2021-INIT/mt/pdf

(4)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021DC0380&from=EN

(5)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109.

(6)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109.

(7)  https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:5cba81f5-16f8-11ec-b4fe-01aa75ed71a1.0013.02/DOC_1&format=PDF

(8)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/SPEECH_20_1655

(9)  Ara, pereżempju, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li fih il-Kummissjoni tippromovi parteċipazzjoni akbar tal-ħaddiema.

(10)  Il-KESE kien enfasizza fl-Opinjoni tiegħu dwar “Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta”, li “it-trasparenza tad-dħul u l-infiq, l-ikkuntrattar miftuħ u l-involviment kostanti tas-soċjetà ċivili fis-sorveljanza tal-ġestjoni finanzjarja pubblika huma meħtieġa wkoll biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli” (ĠU C 105, 04.03.2022, p. 11).

(11)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109.

(12)  https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/safe-covid-19-vaccines-europeans_mt

(13)  https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/safe-covid-19-vaccines-europeans/global-response-coronavirus_mt#covax

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Noħorġu aktar b’saħħitna wara l-pandemija” (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 116).


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (riformulazzjoni)

[COM(2021) 734 final — 2021/0375 (COD)]

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku

[COM(2021) 731 final — 2021/0381 (COD)]

(2022/C 275/11)

Korelatur:

Andris GOBIŅŠ

Korelatur:

Carlos Manuel TRINDADE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13.12.2021

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 15.12.2021 u 21.1.2022

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

222/4/5

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-għanijiet u l-motivazzjoni tal-pakkett elettorali Ewropew. Peress li huwa konxju tal-isfidi u l-perikli kbar għall-proċessi demokratiċi, il-KESE jissuġġerixxi li r-Regolamenti jkunu aktar ambizzjużi u li dawn jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr.

1.2

L-iffaċilitar u l-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni politika konxja min-naħa taċ-ċittadini huwa punt kritiku, bħalma huma l-iżgurar ta’ attivitajiet politiċi trasparenti, aċċessibbli u onesti u r-rwol ċar u attiv għas-soċjetà ċivili. Din l-Opinjoni tipproponi diversi emendi għar-Regolamenti u xi azzjonijiet addizzjonali f’dan ir-rigward.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tal-aspetti kollha b’rabta mal-kampanja politika fil-pakkett elettorali. Hemm bżonn ta’ enfasi aktar b’saħħitha fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, peress li din qed ikollha dejjem aktar impatt fuq l-elezzjonijiet u t-trasparenza. Il-verifika tal-fatti u l-litteriżmu medjatiku la jistgħu jindirizzaw l-ammont sostanzjali ta’ kontenut diviżiv u qarrieqi li ċ-ċittadini huma esposti għalih, u lanqas dak li jattira xi ċittadini lejn kontenut bħal dan.

1.4    Dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku, il-KESE jissuġġerixxi proposti speċifiċi għal titjib (ara l-parti 3.1):

i.

l-użu ta’ definizzjoni wiesgħa iżda ċara tar-reklamar politiku li tmur lil hinn mill-attivitajiet remunerati uffiċjalment, inklużi l-impatti permezz tal-hekk imsejħa “bots” u “trolls” u/jew informazzjoni manipulattiva;

ii.

it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-pieni għall-irregolaritajiet;

iii.

it-twessigħ tal-bażi legali biex tkopri l-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha;

iv.

il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet fir-rigward ta’ atturi mhux tal-UE biex jeżerċitaw influwenza;

v.

l-għoti ta’ informazzjoni direttament viżibbli (mhux links) dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ trasparenza;

vi.

id-disponibbiltà u t-trasparenza tal-informazzjoni;

vii.

l-istess regoli għal kulħadd;

viii.

il-ħolqien tal-possibbiltà li jsir ilment direttament mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mhux biss fuq il-pjattaforma online rilevanti;

ix.

l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għal kull ċittadin mingħajr limitazzjonijiet;

x.

il-projbizzjoni ta’ reklamar politiku mmirat ibbażat fuq traċċar u pproċessar mifrux ta’ informazzjoni dwar l-imġiba online jew offline ta’ individwu;

xi.

il-limitazzjoni jew it-twaqqif ta’ tekniki ta’ mmirar u amplifikazzjoni fir-reklamar politiku li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, minħabba riskji b’rabta mal-għoti limitat ta’ kunsens;

xii.

il-projbizzjoni sħiħa tal-immirar abbażi ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali sensittiva;

xiii.

il-forniment ta’ trasparenza sħiħa dwar it-tekniki ta’ mmirar, anke meta ma jkollhomx rabta diretta ma’ kampanja partikolari;

xiv.

kunsiderazzjoni ta’ regolamenti speċjali għal pajjiżi fejn l-indipendenza tal-midja pubblika mhijiex żgurata b’mod adegwat.

1.5    Dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (riformulazzjoni), il-KESE jissuġġerixxi proposti speċifiċi (ara l-parti 3.2):

i.

it-tisħiħ tal-istandards li jikkonċernaw il-bilanċ bejn il-ġeneri;

ii.

l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

iii.

il-limitazzjoni tad-donazzjonijiet lil partijiet minn pajjiżi barra mill-UE;

iv.

l-istabbiliment ta’ limitu massimu universali għad-donazzjonijiet taċ-ċittadini ta’ EUR 18 000 fis-sena;

v.

regolazzjoni tal-fornituri tas-servizzi esterni;

vi.

limitazzjoni tal-involviment tal-partijiet tal-UE fil-kampanji ta’ referenda nazzjonali;

vii.

tnaqqis tal-limitu massimu tad-donazzjonijiet anonimi għal EUR 1 000;

viii.

tkomplija tas-sistema ta’ kofinanzjament għall-partiti politiċi Ewropej.

1.6    Dwar ir-reżiljenza u t-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċessi elettorali (żviluppati fil-parti 3.3.):

i.

l-għoti ta’ vuċi sinifikanti liċ-ċittadini fit-tiswir tal-futur tal-UE bejn l-elezzjonijiet u lil hinn minnhom;

ii.

l-organizzazzjoni ta’ avveniment annwali biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jitfassal pjan annwali biex jissaħħu d-demokrazija, il-parteċipazzjoni u d-djalogu ċiviku u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE;

iii.

il-ħolqien ta’ strument finanzjarju għat-twettiq ta’ kampanji imparzjali u inklużivi biex “in-nies joħorġu jivvutaw”;

iv.

il-ħolqien ta’ programm ta’ finanzjament għall-ġurnalisti, ir-riċerkaturi, il-verifikaturi tal-fatti u l-organizzazzjonijiet ta’ sorveljanza;

v.

l-appoġġ għall-kooperazzjoni esperta u l-ħidma fuq il-finanzjament tal-kampanji, il-forensika online, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u ċ-ċibersigurtà;

vi.

it-tneħħija tal-ostakli li fadal u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni inklużiva fl-elezzjonijiet;

vii.

l-appoġġ għaċ-ċittadini mobbli;

viii.

l-iżgurar ta’ elezzjonijiet mingħajr ostakli għaċ-ċittadini tal-UE b’diżabilità;

ix.

l-inkoraġġiment lill-individwi biex isiru membri tal-partiti politiċi Ewropej kollha;

x.

l-iżgurar li ċ-ċittadini jkollhom id-dritt li jkunu jafu liema partiti politiċi fil-livell nazzjonali għandhom, jew qed jippjanaw rabtiet, mal-partiti Ewropej;

xi.

l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni b’rabta mal-kundizzjonijiet elettorali tal-Parlament Ewropew (l-età tal-votazzjoni, id-data tal-elezzjoni, ir-rekwiżiti għad-distretti elettorali, il-kandidati, u l-partiti politiċi u l-finanzjament tagħhom) u l-promozzjoni tal-importanza tal-edukazzjoni.

2.   Sfond u kummenti ġenerali

2.1    Kuntest tal-Opinjoni, inkluża l-proposta leġiżlattiva kkonċernata

2.1.1

Il-pakkett b’rabta mat-tisħiħ tad-demokrazija u l-integrità tal-elezzjonijiet inħareġ mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Novembru 2021. Dan kien ġie mħabbar preċedentement fil-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea adottat f’Diċembru 2020. Il-kontenut tal-pakkett huwa dan li ġej, u l-KESE ntalab jindirizza biss il-punti (i) u (ii) fl-Opinjoni tiegħu:

i.

ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

ii.

Proposta għal Regolament dwar Trasparenza akbar fir-reklamar politiku bil-ħlas;

iii.

ir-reviżjoni ta’ żewġ Direttivi dwar id-dritt tal-vot għal “ċittadini mobbli tal-UE” (ċittadini tal-UE residenti fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu);

iv.

mekkaniżmu konġunt propost għar-reżiljenza elettorali.

2.2    Kummenti ġenerali

2.2.1

Il-KESE jenfasizza dawn li ġejjin:

i.

Il-KESE jilqa’ l-aġġornamenti tal-pakkett elettorali tal-2018 (1).

ii.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi promoss dibattitu demokratiku.

iii.

Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “[g]ħaċ-ċittadini għandu jkun ċar li jkunu qed jirċievu kontenut politiku u mingħand min. Għandu jkun hemm trasparenza sinifikanti li tippermetti l-iskrutinju pubbliku u r-responsabbiltà tal-atturi rilevanti u li tirrifletti l-inklużività u d-diversità tas-soċjetajiet tagħna.” (2)

iv.

B’mod partikolari, l-aspetti relatati mal-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-inklużività u d-diversità tas-soċjetajiet tagħna jeħtieġu aktar proposti u proposti aħjar, u azzjoni konġunta tal-UE. F’dan ir-rigward hemm diversi punti inklużi fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea (3).

v.

Il-KESE jenfasizza l-perikli li d-diżinformazzjoni toħloq għad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea u jisħaq li hemm bżonn ta’ rispons qawwi u deċiżiv biex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-oġġettività tal-elezzjonijiet u l-parteċipazzjoni ċivika qed jiġu kompromessi.

vi.

Ir-rivoluzzjoni diġitali ttrasformat il-politiki demokratiċi. Għodod online li jikkonsistu f’firxa wiesgħa ta’ strumenti għandhom rwol ewlieni fil-kampanji politiċi. Uħud minn dawn il-kampanji għandhom l-għan li jipprovokaw sfiduċja u frustrazzjoni, u li jfixklu l-ħsieb u l-fehim. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, b’riżultat ta’ dan, id-diġitalizzazzjoni tal-kampanji politiċi, minkejja li toffri mezzi bla preċedent biex jintlaħqu n-nies, jista’ jkollha impatti negattivi fuq id-demokrazija. Fil-fatt, skont l-Ewrobarometru, nofs l-Ewropej jgħidu li waqt li kienu qed jużaw l-internet, ġew esposti għal diżinformazzjoni u kontenut online li jġib il-firda. Barra minn hekk, terz ta’ dawn l-Ewropej kienu esposti għal kontenut u ma setgħux jidentifikaw jekk kienx reklam politiku jew le (4).

vii.

Il-KESE jappoġġja l-viżjoni li r-rwol tal-UE fit-tisħiħ tad-demokrazija għandu jitqies fil-livell globali, jiġifieri permezz tal-azzjoni esterna tal-UE, kif iddikjarat f’COM(2021) 730.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1    Emendi ssuġġeriti għall-Proposta għal Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku

3.1.1

Il-KESE jappoġġja definizzjoni wiesgħa iżda ċara tar-reklamar politiku u jissuġġerixxi li jiġu inklużi azzjonijiet adegwati dwar modi diversi għat-twettiq ta’ kampanja/ħlas biex tiġi eżerċitata influwenza fuq il-proċessi politiċi bi ħlas, inklużi l-impatti permezz tal-hekk imsejħa “bots” u “trolls” u/jew informazzjoni manipulattiva. Jistgħu jinqalgħu problemi jekk definizzjoni mhux ċara tirriżulta fi flessibbiltà eċċessiva jew differenzi fl-implimentazzjoni fuq id-diversi pjattaformi.

3.1.2

Il-KESE jqis li l-lista attwali ta’ sanzjonijiet possibbli hija limitata ħafna u jissuġġerixxi li jiżdied punt ġdid fl-Artikolu 15(5) li għandu jaqra kif ġej: “d. jaġixxu biex jinforzaw pieni kriminali, pereżempju għal frodi fuq skala kbira.” Barra minn hekk, il-KESE jappella għal kriterji komuni Ewropej għall-pieni fil-livell nazzjonali.

3.1.3

Bħalissa, il-bażi ġuridika magħżula hija ristretta wisq, jiġifieri r-Regolament primarjament jikkonċerna servizzi li jiġu pprovduti minn atturi ekonomiċi u li huma mħallsa. Il-bażi ġuridika għandha tiġi estiża u r-regoli dwar ir-reklamar politiku għandhom japplikaw għall-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha li de facto joħolqu u jippubblikaw reklamar politiku. Ir-regoli dwar il-persuni fiżiċi għandhom jiġu ċċarati sabiex ma jkunux japplikaw għal persuni li jikkondividu l-fehmiet politiċi tagħhom f’kapaċità purament privata. L-effetti sekondarji negattivi fuq is-soċjetà ċivili u l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ djalogu fil-fond mal-organizzazzjonijiet rilevanti.

3.1.4

Il-punt 14 tal-preambolu jindika li r-reklamar “imħejji, imqiegħed jew ippubblikat kompletament minn fornituri tas-servizzi stabbiliti barra mill-Unjoni iżda disseminat lil individwi fl-Unjoni” jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u għalhekk, fil-prinċipju, huwa permissibbli. Madankollu, ir-riskju ta’ interferenza barranija fl-elezzjonijiet huwa theddida serja wisq għad-demokrazija fl-UE. Għandu jiġi żviluppat sett ta’ dispożizzjonijiet speċjali li jkollhom l-għan li jevitaw it-tixrid fl-UE ta’ reklamar politiku jew attivitajiet oħra ta’ kampanja ffinanzjati direttament jew indirettament minn entitajiet li jinsabu barra mill-UE.

3.1.5

Għal trasparenza akbar, l-Artikolu 7(1)(c) tal-abbozz ta’ Regolament għandu jiġi emendat kif ġej: “avviż ta’ trasparenza li jippermetti li jinftiehem il-kuntest usa’ tar-reklamar politiku u l-għanijiet tiegħu”, billi titħassar il-parti tat-test li ġejja: “, jew indikazzjoni ċara ta’ fejn jista’ jinkiseb faċilment”. Il-punt 40 tal-preambolu għandu jinbidel skont dan.

3.1.6

Għal trasparenza akbar, l-Artikolu 7 tal-abbozz ta’ Regolament għandu jipprevedi wkoll il-pubblikazzjoni tal-ammont li jintefaq fuq ir-reklam u l-kampanja relatata. Għandha tiġi appoġġjata u inkluża fir-Regolament l-aħjar prattika eżistenti fl-Istati Membri, li titlobtrasparenza qabel l-elezzjonijiet dwar il-prezzijiet tar-reklami u tas-servizzi li japplikaw għall-forzi politiċi kollha bl-istess mod. Għandha tiġi stabbilita sistema għall-monitoraġġ ta’ dan.

3.1.7

Id-dritt taċ-ċittadini li jirċievu informazzjoni trasparenti dwar ir-reklamar politiku għandu jipprevali fuq il-piżijiet amministrattivi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi mir-rekwiżiti ta’ rappurtar. Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tal-abbozz ta’ Regolament (Rapportar perjodiku dwar is-servizzi ta’ reklamar politiku) għandu japplika għall-pubblikaturi kollha tar-reklamar, inklużi dawk ikklassifikati bħala intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Għal dan il-għan, il-parti 2 tal-Artikolu 8 (“Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal impriżi li jikkwalifikaw skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE.”) għandha titħassar.

3.1.8

L-Artikolu 9 tal-abbozz ta’ Regolament (Indikazzjoni ta’ reklami politiċi possibbilment illegali) għandu jiġi emendat. Minflok ma l-pubblikaturi tar-reklamar jitħallew jittrattaw l-ilmenti tal-individwi dwar in-nuqqas ta’ konformità mar-Regolament ta’ ċerti reklami ppubblikati minnhom, għandu jkun hemm ukoll il-possibbiltà li wieħed iressaq ilment direttament mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Inkella dan jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interess, fejn pubblikatur tar-reklamar jista’ ma jkunx jixtieq jinterrompi kampanja ta’ reklamar partikolari minħabba l-biża’ li jitlef id-dħul.

3.1.9

L-informazzjoni dwar ir-reklamar politiku għandha tkun disponibbli għall-entitajiet interessati kollha mingħajr ebda spiża. Għal dan il-għan, aħna nemmnu li t-tnaqqis tal-kategoriji ta’ persuni li jistgħu jitolbu l-informazzjoni mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, kif diskuss fl-Artikolu 11(2) tal-abbozz ta’ Regolament, mhuwiex ġustifikat. Barra minn hekk, il-partijiet 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitħassru. L-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli u tista' tintuża.

3.1.10

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa l-projbizzjoni ta’ reklamar politiku mmirat ibbażat fuq traċċar u pproċessar mifrux ta’ informazzjoni dwar l-imġiba online jew offline ta’ individwu. Huwa importanti li wieħed jiftakar li din id-data personali li mhijiex sensittiva fiha nnifisha tista’, flimkien ma’ data oħra mhux sensittiva sew mhux personali sew personali, tipprovdi l-istess informazzjoni sensittiva b’mod indirett li l-Kummissjoni qed tipprova tipproteġi. Fir-Regolament għandu jiġi inkluż punt separat dwar din il-kwistjoni.

3.1.11

L-abbozz ta’ regolament jippermetti l-użu ta’ tekniki ta’ mmirar u ta’ amplifikazzjoni fir-reklamar politiku li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva “abbażi tal-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data jew matul l-attivitajiet leġittimi tiegħu, b’salvagwardji xierqa minn fondazzjoni, minn assoċjazzjoni jew minn korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ b’għan politiku, filosofiku jew reliġjuż, jew ta’ trade union”. Madankollu, il-kunċett ta’ “kunsens espliċitu” huwa problematiku ħafna f’dan il-kuntest, peress li ma hemm l-ebda mod kif jiġi żgurat jew ivverifikat, bi grad għoli ta’ affidabbiltà, li l-individwi li jkunu fil-mira ta’ tekniki ta’ mmirar u ta’ amplifikazzjoni fil-fatt jieħdu l-ħin biex isiru familjari ma’ dawn it-tekniki, jifhmu bis-sħiħ ir-riskju involut u jipprovdu kunsens verament infurmat. Minħabba l-grad għoli ta’ riskju għad-demokrazija tal-UE li jirriżulta mill-użu ta’ tekniki ta’ mmirar u ta’ amplifikazzjoni fir-reklamar politiku, it-tekniki ta’ mmirar u ta’ amplifikazzjoni abbażi ta’ data sensittiva għandhom jiġu pprojbiti għalkollox.

3.1.12

It-trasparenza dwar l-immirar tekniku għandha tkun ukoll viżibbli u ċara fir-rigward ta’ informazzjoni li ma jkollhiex rabta diretta ma’ kampanja partikolari. L-informazzjoni dwar ir-raġuni għaliex xi ħadd jara reklam partikolari trid tkun viżibbli u faċli biex tintuża, b’għażla rapida biex jiġi rtirat il-kunsens potenzjali biex wieħed ikun soġġett għal pubbliċità bħal din.

3.1.13

Għandhom jiġu kkunsidrati regolamenti speċjali f’pajjiżi fejn l-indipendenza tal-midja pubblika mhijiex żgurata b’mod adegwat. Barra minn hekk, għandhom jiġu indirizzati l-lakuni u l-problemi kkawżati min-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tar-reklamar tematiku.

3.2    Emendi ssuġġeriti għall-proposta dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (riformulazzjoni)

3.2.1

L-Artikolu 4(1)(j) tal-abbozz ta’ Regolament, (“in-normi interni li dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri”) għandu jissaħħaħ billi jiġu stabbiliti standards minimi dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri, bħal kwoti għar-rappreżentanza tal-ġeneri fis-sħubija ġenerali u f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, u billi tintalab il-konformità magħhom.

3.2.2

L-Artikolu 4(2) għandu jiġi emendat biex jipprevedi li l-istatuti ta’ partit politiku Ewropew jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar l-approċċ tal-partit biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem f’konformità man-normi tal-UE.

3.2.3

Il-KESE jemmen li l-kontribuzzjonijiet jew id-donazzjonijiet potenzjali minn pajjiżi barra l-UE li huma ta’ benefiċċju għall-partiti politiċi jew għall-fondazzjonijiet tal-UE jistgħu joħolqu riskju eċċessiv għall-indipendenza tal-benefiċjarji, u b’hekk anke għas-sistema demokratika. Għal dan il-għan, l-Artikolu 23(9) u (10) tal-abbozz ta’ Regolament għandu jiġu emendat, sabiex jiġi żgurat b’mod strett li jkunu permessi biss kontribuzzjonijiet minn partiti politiċi minn pajjiżi tal-Kunsill tal-Ewropa li ma jimponux limitazzjonijiet fuq valuri komuni tal-UE, u fejn dawn il-valuri jistgħu jiġu promossi liberament. Emenda oħra tikkonċerna t-tnaqqis sinifikanti tal-ammonti permessi ta’ kontribuzzjonijiet u donazzjonijiet. Dan għandu jinkludi wkoll self possibbli u impenji oħrajn ta’ natura finanzjarja.

3.2.4

Fl-interess tat-trasparenza, l-Artikolu 23(11) tal-abbozz ta’ Regolament għandu jiġi emendat, billi tiġi ingassata d-dikjarazzjoni li “[i]l-limitu massimu stipulat fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-membru kkonċernat ikun ukoll membru elett tal-Parlament Ewropew, ta’ parlament nazzjonali jew ta’ parlament reġjonali jew assemblea reġjonali”. Għalhekk, il-limitu massimu universali għal donazzjoni minn ċittadin se jkun ta’ EUR 18 000 fis-sena għal kull membru.

3.2.5

F’konformità ma’ dak li ntqal hawn fuq, ir-regoli dwar ir-reklamar politiku għandhom japplikaw bis-sħiħ għall-istanzi kollha li fihom il-partiti politiċi Ewropej jipparteċipaw f’reklamar politiku, u mhux biss f’każijiet fejn dawn jiddependu minn fornituri ta’ servizzi esterni. L-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ Regolament għandu jiġi emendat biex jirrifletti dan.

3.2.6

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 dwar il-finanzjament possibbli mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ta’ kampanji ta’ referenda nazzjonali jistgħu joħolqu sitwazzjonijiet problematiċi minħabba l-użu ħażin possibbli mill-populisti jew minn forzi radikali, u jistgħu jwasslu għal allegazzjonijiet ta’ “interferenza barranija”. Dawn ir-riskji huma partikolarment kbar fl-Istati Membri iżgħar tal-UE, fejn il-kampanji li jħallu impatt jistgħu jitwettqu b’finanzjament relattivament baxx u fuq perjodi ta’ żmien qosra, filwaqt li proċedimenti li jikkonċernaw il-legalità tal-finanzjament minn partiti politiċi jew fondazzjonijiet Ewropej jistgħu jieħdu żmien twil. Din il-proposta għandha tiġi implimentata biss f’koordinazzjoni mar-regolamenti dwar ir-referenda fil-livell nazzjonali li jimmitigaw ir-riskji identifikati. Id-dibattiti pubbliċi ma’ politiċi minn Stati Membri oħrajn tal-UE huma, fi kwalunkwe każ, ta’ valur.

3.2.7

Fl-interess tat-trasparenza, l-Artikolu 36 għandu jiġi emendat biex jinkludi regoli aktar stretti dwar il-pubblikazzjoni ta’ donazzjonijiet minn persuni fiżiċi. L-ammont massimu ta’ kwalunkwe donazzjoni li għalih ma hemmx għalfejn jiġi ppubblikat isem id-donatur għandu jkun limitat għal EUR 1 000. Dan l-ammont se jkun aktar proporzjonat għal-livelli relattivament aktar baxxi ta’ introjtu f’ċerti Stati Membri tal-UE.

3.2.8

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 20(4) biex titnaqqas ir-rata ta’ kofinanzjament minn 10 % għal 5 % għall-partiti politiċi Ewropej u għal 0 % fis-sena tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Il-KESE ma jappoġġjax din il-proposta għaliex anke livell baxx ta’ kofinanzjament juri l-impenn tal-partijiet għall-politiki li jippromovu. Barra minn hekk, il-KESE jinnota li l-flussi kollha tal-flus bejn il-partiti nazzjonali u Ewropej għandhom ikunu trasparenti.

3.3    Ir-reżiljenza u aspetti speċjali għat-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċessi elettorali

3.3.1

Minħabba li l-partiti u n-networks populisti u nazzjonalisti qed isiru aktar popolari fl-Ewropa, b’għajnuna interna u esterna, il-KESE jemmen li t-trawwim tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku Ewropew kif iddikjarat fl-Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija sar aktar kruċjali minn qatt qabel u għandu jiġi indirizzat flimkien mar-regolamentazzjoni tal-proċessi elettorali. Jenħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw vuċi sinifikanti fit-tiswir tal-futur tal-UE fir-rigward tal-elezzjonijiet, eż. kif iddikjarat hawn taħt u lil hinn minn/bejn l-elezzjonijiet (kif iddikjarat fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u fil-Pjan Direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE u l-pjan ta’ azzjoni tiegħu (5)).

3.3.2

Il-KESE jenfasizza s-suġġeriment tiegħu li għandu jitnieda avveniment annwali li jlaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti tal-ogħla livell tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet/l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tad-djalogi settorjali u tad-djalogi lokali, reġjonali, nazzjonali u makroreġjonali (il-politika transnazzjonali u tal-viċinat) sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jitfassal pjan annwali biex jissaħħu d-demokrazija, il-parteċipazzjoni u d-djalogu ċiviku, u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE. Dan l-avveniment jista' wkoll joħloq sinerġiji mal-pakkett elettorali. Il-Kummissjoni u l-KESE għandu jkollhom rwol ewlieni f’dan il-proċess bħala organizzaturi.

3.3.3

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprevedi strument finanzjarju ddedikat għat-twettiq ta’ kampanji imparzjali u inklużivi biex “in-nies joħorġu jivvutaw” imwettqa mis-soċjetà ċivili u mill-media tal-massa indipendenti u li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, speċjalment fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE fejn il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet mhijiex obbligatorja. B’mod partikolari, kampanji bħal dawn għandhom jiffukaw fuq l-involviment ta’ gruppi inqas privileġġati bħall-minoranzi u l-gruppi żvantaġġati minħabba l-istatus soċjali jew ekonomiku tagħhom, eċċ.

3.3.4

Għandu jiġi stabbilit programm ta’ finanzjament għall-ġurnalisti, ir-riċerkaturi, il-persuni li jivverifikaw il-fatti, l-organizzazzjonijiet ta’ sorveljanza, kif ukoll għall-monitoraġġ u għal azzjonijiet biex jiġi miġġieled it-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar l-aspetti kollha tal-pakkett b’rabta mat-tisħiħ tad-demokrazija u l-integrità tal-elezzjonijiet. Għandu jiġi pprovdut finanzjament adegwat għall-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet elettroniċi tan-nies u biex jinkixfu “bżieżaq” populisti/radikali, inklużi dawk maħluqa permezz tad-diżinformazzjoni u tekniki oħra użati minn atturi politiċi domestiċi.

3.3.5

Il-mekkaniżmu konġunt ippjanat għar-reżiljenza elettorali għandu jipprevedi l-finanzi, l-appoġġ u l-forniment ta’ għodod għall-kooperazzjoni esperta u l-ħidma dwar il-finanzjament tal-kampanji. Il-forensika online, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, u ċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet huma kruċjali wkoll.

3.3.6

Għandhom isiru aktar sforzi biex jitneħħew l-ostakli li fadal u tiġi żgurata parteċipazzjoni inklużiva fl-elezzjonijiet. B’mod partikolari, għandhom isiru sforzi aktar qawwija biex tittejjeb il-parteċipazzjoni demokratika tan-nisa, taċ-ċittadini b’diżabilità, taċ-ċittadini żgħażagħ u ta’ gruppi oħrajn. L-ostakli għall-votazzjoni għaċ-ċittadini mobbli tal-UE f’ċerti Stati Membri għandhom jitneħħew. Il-votazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza jew, fejn possibbli skont il-liġi nazzjonali u tal-UE, fil-pajjiż ta’ oriġini, għandha tiġi ffaċilitata u għandha tirriżulta f’rati ogħla ta’ parteċipazzjoni għaċ-ċittadini mobbli tal-UE. M’għandniex ninsew li madwar 13,5 miljun ċittadin tal-UE ma jgħixux fl-Istati Membri proprji tagħhom.

3.3.7

Il-KESE jinnota li għal persuni li marru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE, ir-reġistrazzjoni tal-votazzjoni għandha tiġi ssemplifikata u razzjonalizzata eż. permezz ta’ pjattaforma ta’ reġistrazzjoni tal-votazzjoni konġunta/kondiviża (fejn meħtieġ) disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Id-drittijiet tal-vot għaċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-livell reġjonali, u għandu jiġi stabbilit helpdesk għall-votazzjoni transfruntiera.

3.3.8

Il-KESE jenfasizza li għad ma hemm l-ebda dritt reali għall-vot għal miljuni ta’ ċittadini tal-UE. Ir-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Id-drittijiet reali ta’ persuni b’diżabilità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jippreżenta l-bosta ostakli legali jew tekniċi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE b’diżabilità fi Stati Membri individwali li, minkejja l-fatt li jridu tabilħaqq jivvutaw, ma jistgħux jagħmlu dan. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu, li għamel fl-Opinjoni tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2020 dwar Il-ħtieġa li jiġu garantiti drittijiet reali ta’ persuni b’diżabbiltà biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, biex jiġu implimentati b’mod urġenti bidliet legali li jiggarantixxu d-dritt reali tal-vot għaċ-ċittadini kollha tal-UE matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024.

3.3.9

L-inkorraġiment lill-individwi biex isiru membri tal-partiti politiċi Ewropej kollha jagħtihom l-opportunità li jinfluwenzaw u jikkontribwixxu direttament għad-dibattiti fil-livell tal-UE.

3.3.10

Iċ-ċittadini għandhom ikunu kapaċi jifhmu b’mod ċar liema partiti politiċi fil-livell nazzjonali għandhom, jew qed jippjanaw rabtiet, mal-partiti Ewropej. Dan huwa ta’ importanza speċjali qabel l-elezzjonijiet.

3.3.11

Il-KESE jappoġġja diversi proposti espressi mit-tieni Panel taċ-Ċittadini tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li jaħdem fuq id-demokrazija u l-valuri, id-drittijiet, l-istat tad-dritt u s-sigurtà Ewropej (6), bħas-suġġeriment biex jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet elettorali tal-Parlament Ewropew (l-età tal-votazzjoni, id-data tal-elezzjonijiet, ir-rekwiżiti għad-distretti elettorali, il-kandidati, il-partiti politiċi u l-finanzjament tagħhom) u li ssir enfasi aktar qawwija fuq l-edukazzjoni u l-kompetenzi eż. il-protezzjoni tad-data, id-demokrazija, u l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-populiżmu.

Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2021) 730 final: Il-protezzjoni tal-integrità elettorali u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika

(2)  COM(2021) 730 final: Il-protezzjoni tal-integrità elettorali u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea

(4)  Ewrobarometru Speċjali 507: Id-Demokrazija fl-UE

(5)  Action plan for the implementation of Article 11 (Pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tas-suq uniku – mhux dispnibbli bil-Malti).

(6)  Panel 2 – Panels taċ-Ċittadini Ewropej – Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien”

[COM(2021) 573 final]

(2022/C 275/12)

Relatur:

Pierre Jean COULON

Korelatur:

Rudolf KOLBE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 28.10.2021

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

2.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni li tniedi l-kunċett tal-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida” bil-għan li jinħolqu “postijiet (…) u stili ta’ ħajja sbieħ, sostenibbli u inklużivi”, li jkunu aċċessibbli għal kulħadd u għall-but ta’ kulħadd, b’mod partikolari bħala rispons għall-kriżi klimatika.

1.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ olistiku u interdixxiplinari propost mill-Kummissjoni biex flimkien nibnu futur aktar ekoloġiku u ġust għall-Ewropa. Jappoġġja wkoll il-promozzjoni ta’ dan l-“[i]stil ta’ ħajja ġdid fejn is-sostenibbiltà taqbel mal-istil” filwaqt li titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika f’bosta oqsma tal-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej, fit-territorji tagħhom, fil-postijiet tal-għajxien, fix-xogħol, fil-mobbiltà u fl-abitazzjonijiet li jgħixu fihom ta’ kuljum. Dan huwa proġett parteċipattiv fl-ispirtu tal-Bauhaus storika, imnedija fl-1919, u l-moviment kulturali dinji li ħolqot.

1.3.

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari d-dimensjoni kulturali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, “proġett ta’ tama u ta’ perspettivi”, u d-dimensjoni kreattiva tagħha fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-mewġa tiegħu ta’ rinnovazzjoni tal-bini, li hija bażi kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-għan ta’ dan il-moviment kulturali huwa li jipprovdi liċ-ċittadini kollha b’aċċess għal oġġetti ċirkolari u b’impronta tal-karbonju iżgħar fil-post tal-għajxien u tax-xogħol tagħhom, fil-bini pubbliku u fl-akkomodazzjoni, permezz ta’ esperjenzi konkreti li għandhom jiġu promossi kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini, fil-livell territorjali urban u rurali, u fl-inħawi fejn jgħixu.

1.4.

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni tad-dimensjoni essenzjali tal-kwistjoni ta’ materjali innovattivi, ibbażati fuq in-natura, prodotti b’mod sostenibbli u b’intensità baxxa tal-karbonju, kif ukoll mat-“tliet valuri ewlenin inseparabbli”: is-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużjoni fis-sens ta’ “ugwaljanza għal kulħadd, aċċessibbiltà u affordabbiltà” (1).

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ innovattiv tal-Kummissjoni li jinvolvi t-tnedija ta’ fażi preliminari ta’ “kodisinn” bil-mobilizzazzjoni transdixxiplinari ta’ “komunità” ta’ individwi u organizzazzjonijiet li huma msieħba uffiċjali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati, minn varjetà kbira ta’ sfondi u setturi, fażi ta’ kodisinn parteċipattiva mingħajr preċedent li għamlet possibbli l-kodefinizzjoni tal-abbozz tal-kunċett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u proposti għall-passi li jmiss tal-implimentazzjoni tagħha. Jilqa’ b’mod partikolari l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli ssegwi u tapprofondixxi dan l-approċċ parteċipattiv permezz ta’ metodi bħal-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida biex jitħejjew l-azzjonijiet ta’ politika. Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà tal-proċess għandha tkun garantita lil hinn miċ-ċiklu istituzzjonali.

1.6.

Il-KESE jilqa’ d-dimensjoni globali miksuba minn din il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mit-tnedija tal-fażi ta’ kodisinn tagħha, u jilqa’ s-suċċess tad-diskussjoni internazzjonali organizzata f’April 2021, li laqqgħet madwar 8 000 parteċipant permezz ta’ vidjokonferenza, kif ukoll is-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-premju tal-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida” u t-tqassim tal-bullettin iddedikat.

1.7.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tgħaqqad l-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni Ewropea ma’ serje ta’ azzjonijiet u finanzjamenti ġodda allokati għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida sabiex jiġu ttestjati l-politiki u l-għodod “għall-bini ta’ ħajja ta’ kuljum aħjar” kemm jista’ jkun qrib it-territorji, iċ-ċittadini Ewropej u l-postijiet tal-għajxien u l-abitazzjonijiet tagħhom. Jissottolinja li biex ikun hemm aċċess wiesa’ għall-finanzjament, se jkun importanti li jiġu pprovduti wkoll opportunitajiet ta’ finanzjament fuq skala żgħira bħall-finanzjament kollettiv, li jkunu faċli biex jiġu aċċessati, u miżuri ta’ appoġġ speċjali għal dawk li ma għandhomx il-mezzi biex japplikaw għall-finanzjament huma stess, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar, il-ħaddiema tas-sengħa u assoċjazzjonijiet li jeħtieġ li jkunu involuti fil-proċess.

1.8.

Il-KESE bħsiebu jkun involut b’mod attiv fl-approċċ parteċipattiv promoss mill-Kummissjoni u fit-twaqqif tal-moviment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida biex jinżamm id-djalogu maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili sabiex isolvu l-problemi tagħhom ta’ kuljum u sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-KESE se jimpenja ruħu f’dan il-proġett parteċipattiv billi jorganizza konferenza dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u s-soċjetà ċivili, bħala parti mill-festival annwali propost mill-Kummissjoni, u billi jistabbilixxi pjattaforma tas-“soċjetà ċivili” għall-proposti u l-appoġġ.

1.9.

Il-KESE, fuq kollox, jikkunsidra li dan il-kunċett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jrid jippermetti lill-UE tersaq eqreb lejn iċ-ċittadini u t-territorji, urbani u rurali, tagħha permezz ta’ komunikazzjoni adatta, inizjattivi u azzjonijiet lokali li għandhom jiġu implimentati u esperimentazzjoni fil-postijiet tal-għajxien, tal-abitazzjoni u tax-xogħol ta’ kuljum.

1.10.

Il-KESE jaqbel mat-tliet prinċipji fundamentali li ħarġu mill-proċess ta’ kokreazzjoni, it-tagħqid tad-dimensjonijiet globali u lokali, il-parteċipazzjoni u t-transdixxiplinarjetà. Dawn jassumu approċċ territorjali għal proġetti u inizjattivi fl-inħawi, fl-irħula u fil-bliet, għall-interkonnessjoni bejn il-bliet u l-periferija tagħhom, għall-ippjanar mill-ġdid tal-bliet f’approċċ olistiku u territorjali, u li jqisu d-dimensjoni globali tat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni ekoloġika.

1.11.

Il-KESE jitlob sinerġija reali bejn il-moviment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-iżviluppi leġiżlattivi futuri relatati mal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz ta’ “qafas ta’ abilitazzjoni”, li se jkun prerekwiżit għal kwalunkwe proposta leġiżlattiva relatata mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-implimentazzjoni tiegħu.

1.12.

Il-KESE jissottolinja li t-tfittxija għal soluzzjonijiet sostenibbli, inklużivi u estetiċi għall-ambjent mibni se tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha mill-iżgurar ta’ qafas ġuridiku bbażat fuq il-kwalità għall-akkwist pubbliku, u jappella lill-Kummissjoni biex tqis dan fir-reviżjoni li jmiss tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku. Se jkollha tiġi ddefinita, stabbilita u implimentata “tikketta tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, kemm fl-akkwist pubbliku kif ukoll fl-għajnuna mill-Istat.

1.13.

Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tikkontribwixxi b’mod attiv fil-promozzjoni tal-investimenti fit-tul fl-infrastruttura lokali u soċjali, b’mod partikolari fil-kuntest tas-Semestru Ewropew il-ġdid u l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.14.

Il-KESE jipproponi li t-taħriġ professjonali interdixxiplinari fil-professjonijiet il-ġodda offrut fit-territorji wkoll għandu jiġi promoss u ffinanzjat ukoll taħt il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, sabiex il-kunċett ta’ xogħol deċenti jkun jista’ jiġi implimentat b’mod effettiv.

2.   Sommarju

2.1.

Bil-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, l-Unjoni Ewropea qed tesprimi l-ambizzjoni tagħha li toħloq postijiet, prodotti u stili ta’ ħajja estetiċi, sostenibbli u inklużivi. Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tippromovi stil ta’ ħajja ġdid fejn is-sostenibbiltà u l-istil tal-ħajja jimxu id f’id, bil-ħsieb li titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika mhux biss f’setturi differenti tal-ekonomija tagħna, bħall-kostruzzjoni, l-għamara, u l-moda, iżda wkoll fis-soċjetajiet tagħna jew f’oqsma oħra tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-għan huwa li kulħadd jingħata aċċess għal beni ċirkolari u b’intensità baxxa tal-karbonju li jappoġġjaw ir-riġenerazzjoni tan-natura u jipproteġu l-bijodiversità.

2.1.1.

Il-proġett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hu proġett ta’ tama u ta’ perspettivi, u jagħti dimensjoni kulturali u kreattiva lill-Patt Ekoloġiku Ewropew bil-għan li jissaħħu l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-ekonomija sostenibbli. Huwa jenfasizza l-benefiċċji tat-tranżizzjoni ambjentali permezz ta’ esperjenzi konkreti fil-livell lokali u jtejjeb il-ħajja tagħna ta’ kuljum.

2.1.2.

Għall-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni tgħaqqad l-inizjattivi rilevanti tal-UE u tipproponi serje ta’ azzjonijiet ġodda u opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament. Dawn ikopru, pereżempju:

il-ħolqien tal-“Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” biex ikabbar il-komunità u jitħejjew azzjonijiet strateġiċi;

il-finanzjamenti tal-avvjament għal proġetti trasformattivi relatati mal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

il-finanzjament għal proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li jsegwu l-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

approċċ ġdid għall-istrateġija tal-proprjetà immobbli tal-Kummissjoni;

il-kokreazzjoni ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni ekoloġika fis-settur tal-kostruzzjoni u l-ekosistemi tat-tessuti;

sejħa għall-proposti għal negozji ġodda u għal inizjattivi taċ-ċittadini;

festival u premju annwali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

pjattaforma ta’ eTwinning u attivitajiet ta’ DiscoverEU 2022 dwar is-suġġett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

2.1.3.

Il-Bauhaus Ewropea Ġdida se toħloq l-ispazju biex jiġu esplorati u ttestjati l-politiki, il-finanzjament u għodod oħra għad-disinn u għall-bini ta’ ħajja ta’ kuljum aħjar għall-ġenerazzjonijiet kollha.

2.2.   Abbażi tal-kodisinn: proġett trasformattiv minna lkoll għalina lkoll

2.2.1.

Il-proċess ta’ kodisinn talab lil individwi, organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet politiċi u kumpaniji interessati jorganizzaw avvenimenti, diskussjonijiet u sessjonijiet ta’ ħidma. L-ewwel edizzjoni tal-Premju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tnieda fil-qafas tal-fażi ta’ kodisinn biex jixħet dawl fuq eżempji ta’ ispirazzjoni u ideat ippreżentati minn talent żagħżugħ.

2.3.   Sura tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

2.3.1.

Mill-moviment storiku għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: tliet valuri essenzjali:

is-sostenibbiltà, mill-għanijiet klimatiċi saċ-ċirkolarità, l-ambizzjoni ta’ “tniġġis żero” u l-bijodiversità;

l-estetika, il-kwalità tal-esperjenza u l-istil, lil hinn mill-funzjonalità;

l-inklużjoni, il-valutazzjoni tad-diversità, l-ugwaljanza għal kulħadd, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà.

2.3.2.

Ġew adottati tliet prinċipji fundamentali li ħarġu mill-proċess ta’ kokreazzjoni, u dawn jenħtieġ li jiggwidaw il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida:

approċċ f’diversi livelli: minn livell globali għal dak lokali;

approċċ parteċipattiv;

approċċ transdixxiplinari.

2.3.3.

Assi tematiċi tal-perkors trasformattiv:

konnessjoni mill-ġdid man-natura;

kisba mill-ġdid ta’ sens ta’ appartenenza;

prijoritizzazzjoni tal-postijiet u tan-nies li l-aktar għandhom bżonnha;

il-ħtieġa għal mentalità fit-tul li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja fl-ekosistema industrijali.

2.4.   Twettiq tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

Ħolqien ta’ qafas ta’ abilitazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida:

2.4.1.

Ħidma mal-Komunità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: il-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

strateġija ta’ tikkettar;

finanzjament innovattiv;

analiżi regolatorja u esperimentazzjoni;

indikaturi ewlenija tal-prestazzjoni.

2.4.2.

Trasformazzjoni bi tliet aspetti – tliet miżuri ta’ effett ta’ lieva għall-istrumenti ta’ appoġġ u ta’ finanzjament:

it-twettiq ta’ bidla f’postijiet speċifiċi fil-prattika;

il-ħtieġa li l-affarijiet isiru b’mod differenti fir-realizzazzjoni tal-innovazzjoni, inkluż billi jittejbu l-ħiliet u l-metodi tagħna;

il-ħtieġa li jiġu adattati l-intenzjonijiet u l-mentalità li fuqha jkunu bbażati l-azzjonijiet tagħna.

2.4.3.

Il-Kummissjoni se torganizza “Festival tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” għall-ewwel darba fir-rebbiegħa tal-2022:

trasformazzjoni ta’ postijiet fil-prattika;

trasformazzjoni tal-ekosistema ta’ abilitazzjoni għall-innovazzjoni;

tixrid ta’ kunċetti ġodda.

2.5.   Il-passi li jmiss

mobilizzazzjoni ta’ atturi fl-Ewropa u lil hinn minnha;

il-kooperazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u t-tħeġġiġ tad-dibattitu fit-territorji li jirrappreżentaw, biex jiġu mmobilizzati ċ-ċittadini;

il-kooperazzjoni tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

bħala punt tat-tluq, l-Istati Membri se jiġu mistiedna jinnominaw entità bħala punt ta’ kuntatt għall-inizjattiva tal-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida”, biex jgħaqqdu u jikkoordinaw l-isforzi fil-pajjiż rispettiv tagħhom u jieħdu sehem f’network informali mifrux mal-UE kollha għall-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenza;

il-Kummissjoni Ewropea se tirrapporta dwar il-progress tal-inizjattiva fl-2022.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jissottolinja li permezz tal-ħidma tiegħu mal-komunità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, il-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jikkostitwixxi approċċ importanti ħafna li jkompli jsegwi u japprofondixxi l-approċċ parteċipattiv tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

3.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-analiżi u l-esperimentazzjoni regolatorji huma prijorità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u jissottolinja li l-aġġustamenti fis-sistema regolatorja huma essenzjali biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

3.3.

Il-KESE jissottolinja li s-soluzzjonijiet sostenibbli, inklużivi u estetiċi għall-ambjent mibni se jkunu jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-iżgurar ta’ qafas ġuridiku adattat għall-akkwist pubbliku bbażat fuq il-kwalità. Ir-riforma tal-qafas tal-akkwist pubbliku għalhekk jenħtieġ li tkun fil-qalba tal-Laboratorju. F’dan il-kuntest, anke fil-każ tas-settur privat jenħtieġ li jiġi diskuss ir-rwol ta’ inċentivi għall-iżvilupp ta’ arkitettura favur il-klima u l-kultura tal-bini (“Baukultur”) għal kultura ġdida ta’ rinnovazzjoni permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa, l-għoti ta’ premjijiet u sussidji.

3.4.

Il-KESE jemmen li l-analiżi regolatorja għandha tiffoka wkoll fuq is-sistema ta’ standardizzazzjoni. L-innovazzjoni fl-oqsma kollha (tekniċi u xjentifiċi) tirrikjedi kapaċità ta’ rispons skont l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, mhux biss billi jiġi segwit standard li spiss ikun skadut xorta waħda minħabba żvilupp teknoloġiku rapidu, iżda wkoll bl-użu ta’ “soluzzjonijiet alternattivi ekwivalenti”. L-użu ta’ soluzzjonijiet alternattivi ekwivalenti, u għalhekk in-nuqqas ta’ konformità ma’ standard, jista’ jwassal għal problemi serji ta’ responsabbiltà fi proċedimenti legali, u għadu diffiċli ħafna li jiġi ppruvat quddiem qorti li s-soluzzjonijiet alternattivi huma ekwivalenti (jew spiss aħjar). Barra minn hekk għall-istandards armonizzati, u b’mod partikolari għall-materjali tal-kostruzzjoni, huwa importanti ħafna li jiġu previsti modi kif jiġu appoġġjati aħjar is-soluzzjonijiet alternattivi innovattivi.

3.5.

Il-KESE jqis l-opportunitajiet il-ġodda ta’ finanzjament bħala ta’ importanza kruċjali sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Bauhaus u biex jinżamm il-momentum tal-inizjattiva u l-entużjażmu ta’ bosta partijiet ikkonċernati. Peress li s-sistema ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea hija diffiċli immens biex tiġi aċċessata – minħabba kriterji kkumplikati ta’ finanzjament u ta’ għoti u bosta rekwiżiti oħra (inkluż il-prefinanzjament) – u peress li r-rata ta’ finanzjament miksuba hija relattivament baxxa, hemm riskju li dawn l-azzjonijiet se jilħqu biss lil dawk tas-soltu li huma esperjenzati fis-sottomissjoni ta’ proġetti Ewropej u mhux daqstant lill-gruppi fil-mira b’mod aktar ġenerali. Din il-problema ma taffettwax biss lill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, iżda f’dan il-kuntest, huwa estremament importanti li nagħmlu iżjed kif ukoll li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ finanzjament fuq skala żgħira u faċilment aċċessibbli u miżuri speċjali ta’ finanzjament għal dawk li ma għandhomx il-mezzi biex japplikaw għall-finanzjament. Il-kisba ta’ dan l-objettiv teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri Ewropej, il-Kummissjoni, il-kmamar tal-kummerċ u tal-professjonijiet, l-istabbilimenti edukattivi u gruppi ta’ interess rilevanti oħra. Għandu jiġi żgurat li l-għażliet ta’ finanzjament tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-livell nazzjonali jkunu (ukoll) ibbażati fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq u disponibbli fl-Istati Membri kollha.

3.6.

Il-KESE jissottolinja l-importanza li jiġi implimentat taħriġ interdixxiplinari mfassal apposta, taħriġ inizjali u kontinwu, għall-ippjanar sostenibbli u inklużiv fl-universitajiet u f’istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni terzjarja u li jiġu implimentati mudelli permanenti ta’ taħriġ kontinwu fl-organizzazzjonijiet professjonali. B’mod partikolari, il-kunċetti ta’ tiġdid tal-ħiliet u ta’ titjib tal-ħiliet għandhom jippermettu l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol deċenti.

3.7.   Kummenti dwar l-assi tematiċi tal-perkors trasformattiv:

3.7.1.

Il-KESE jilqa’ l-fokus fuq l-iżvilupp urban u rurali sostenibbli, inklużiv u estetiku, u fuq l-urbanistika fl-aktar sens wiesa’, peress li hija lieva importanti għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Huwa jissottolinja l-ħtieġa ta’ fokus fuq:

impenn aktar qawwi fir-rigward tal-ippjanar u l-ġestjoni tal-art u tal-politika spazjali biex jitnaqqsu l-issiġillar tal-ħamrija, l-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art bi trasparenza sħiħa permezz tal-involviment tal-partijiet;

promozzjoni konsistenti fil-livell Ewropew u nazzjonali tal-iżvilupp intern (l-użu mill-ġdid ta’ żoni mitluqa abbażi tal-kwalità) tal-bliet, il-bliet żgħar u l-irħula biex tiġi żviluppata kampanja mhux mittiefsa għall-ippjanar tal-iżvilupp;

il-modernizzazzjoni sostenibbli tal-istrutturi urbani u tal-irħula fil-konfront tat-tibdil fil-klima emerġenti, tas-soċjetà ta’ wara l-użu taż-żejt u tal-era tal-informazzjoni;

il-preservazzjoni u r-rivitalizzazzjoni tal-istokk tal-bini bħala kontribut essenzjali għall-ekonomija ċirkolari u għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali, bi prijoritizzazzjoni b’mod partikolari għall-akkomodazzjoni soċjali, għar-residenzi tal-klassi tal-ħaddiema u għall-binjiet pubbliċi, u billi jittejjeb il-fehim ta’ diversi interazzjonijiet bejn l-ambjent mibni u l-ispazju soċjali, kif ukoll l-infrastruttura teknika u ekoloġika bħala xogħol ta’ ppjanar li jista’ jitwettaq permezz ta’ kooperazzjoni ugwali bejn fergħat speċjalizzati differenti.

3.7.2.

Il-KESE jilqa’ l-fokus fuq il-ħolqien konġunt ta’ perkors tat-tranżizzjoni ekoloġika għas-settur tal-kostruzzjoni bl-emissjonijiet kbar tiegħu ta’ CO2. L-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi tal-kostruzzjoni ġodda f’kooperazzjoni mal-pjanifikaturi, il-manifatturi ta’ prodotti tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-kostruzzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ mudelli ta’ kooperazzjoni ġodda (it-tul tal-ħajja, ir-riċiklabbiltà, l-impatt ambjentali mnaqqas, l-enerġiji rinnovabbli, eċċ.) se jkun fattur importanti għas-suċċess ta’ din it-tranżizzjoni, u jrid jiġi appoġġjat bil-kunsiderazzjoni mill-ġdid tas-sistema ta’ standardizzazzjoni attwali. Il-mewġa ta’ rinnovazzjoni hija parti essenzjali mill-Patt Ekoloġiku peress li se jkun meħtieġ fokus fuq il-manutenzjoni tal-istokk tal-bini. Din se tkun saħansitra l-aktar miżura importanti biex jiġu kkonservati r-riżorsi u jiġi evitat l-iskart mill-kostruzzjoni. Iridu jiġu żviluppati tekniki u proċessi ġodda biex jiġi rriċiklat l-iskart mill-kostruzzjoni, iżda wkoll biex jerġgħu jintużaw elementi jew jiġu introdotti materjali tal-kostruzzjoni ġodda u aħjar (upcycling).

3.7.3.

Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni li tniedi l-kunċett tal-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida” bil-għan ta’ “ħolqien ta’ postijiet, prodotti u stili ta’ ħajja sbieħ, sostenibbli u inklużivi”, għaċ-ċittadini Ewropej kollha, bħala rispons għall-kriżi klimatika.

3.7.4.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ propost mill-Kummissjoni biex flimkien nibnu futur aktar ekoloġiku u ġust għall-Ewropa, biex nippromovu dan l-“istil ta’ ħajja ġdid fejn is-sostenibbiltà taqbel mal-istil” filwaqt li jitħaffef il-pass tat-tranżizzjoni ekoloġika f’bosta oqsma tal-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej, fil-postijiet tal-għajxien u tax-xogħol, tal-mobbiltà u fl-abitazzjonijiet tagħhom. Dan huwa proġett parteċipattiv fl-ispirtu tal-Bauhaus storika, imnedija fl-1919, u l-moviment kulturali dinji li ħolqot.

3.7.5.

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari d-dimensjoni kulturali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, “proġett ta’ tama u ta’ perspettivi”, u d-dimensjoni kreattiva tagħha fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-mewġa tiegħu ta’ rinnovazzjoni tal-bini (2). L-għan ta’ dan il-moviment kulturali jrid ikun li jipprovdi liċ-ċittadini kollha b’aċċess għal beni ċirkolari u b’intensità baxxa tal-karbonju fil-post tal-għajxien ta’ kuljum u tax-xogħol tagħhom, fil-bini pubbliku u fl-akkomodazzjonijiet li jokkupaw, permezz ta’ esperimenti konkreti li għandhom jiġu promossi kemm jista’ jkun qrib it-territorju jew l-inħawi fejn jgħixu.

3.7.6.

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni tad-dimensjoni essenzjali tal-kwistjoni ta’ materjali innovattivi, ibbażati fuq in-natura, prodotti b’mod sostenibbli u b’intensità baxxa tal-karbonju, kif ukoll mat-“tliet valuri ewlenin inseparabbli”: is-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużjoni fis-sens ta’ “ugwaljanza għal kulħadd, aċċessibbiltà u affordabbiltà”.

3.7.7.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ innovattiv tal-Kummissjoni li jinvolvi t-tnedija ta’ fażi preliminari ta’ “kodisinn” bil-mobilizzazzjoni transdixxiplinari ta’ “komunità” ta’ individwi u organizzazzjonijiet li huma msieħba uffiċjali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati, minn varjetà kbira ta’ sfondi u setturi, fażi ta’ kodisinn parteċipattiva mingħajr preċedent li għamlet possibbli l-kodefinizzjoni tal-abbozz tal-kunċett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u proposti għall-passi li jmiss tal-implimentazzjoni tagħha.

3.7.8.

Il-KESE jilqa’, fuq kollox, id-dimensjoni globali miksuba mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida wara t-tnedija tal-fażi ta’ kodisinn u jilqa’ s-suċċess tad-diskussjoni globali organizzata f’April 2021, li laqqgħet madwar 8 000 parteċipant permezz ta’ vidjokonferenza, kif ukoll is-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-premju tal-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida” u t-tqassim tal-bullettin iddedikat (3).

3.7.9.

Il-KESE jikkunsidra li dan il-kunċett tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jrid jippermetti lill-Unjoni Ewropea tersaq eqreb lejn iċ-ċittadini u t-territorji tagħhom permezz ta’ komunikazzjoni xierqa, inizjattivi u azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati bil-parteċipazzjoni tagħhom, u b’esperimentazzjoni lokali fil-post tal-għajxien, tal-abitazzjoni u tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom.

3.7.10.

Il-KESE jinnota b’interess it-tnedija tas-sejħa għall-proposti dwar il-mudelli ta’ dimostrazzjoni ta’ nħawi ta’ akkomodazzjoni soċjali, affordabbli u sostenibbli bħala l-ewwel pass u mbagħad bħala parti mill-Inizjattiva Urbana Ewropea relatata mal-Politika ta’ Koeżjoni għall-2021-2027 u l-introduzzjoni ta’ strument finanzjarju għall-iżvilupp urban.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tgħaqqad l-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni Ewropea ma’ serje ta’ azzjonijiet ġodda u finanzjamenti ġodda allokati għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida sabiex jiġu ttestjati l-politiki u l-għodod “għall-bini ta’ ħajja ta’ kuljum aħjar” kemm jista’ jkun qrib it-territorji, iċ-ċittadini Ewropej, u l-postijiet tal-għajxien u tal-abitazzjoni tagħhom affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd. Il-kwistjonijiet ta’ mobbiltà għandhom jitqiesu fuq bażi permanenti.

4.2.

Dawn l-azzjonijiet u l-fondi Ewropej ġodda allokati għall-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida” jridu jiġu ssemplifikati fl-istruzzjoni u l-operat tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu mmobilizzati fl-istess spirtu ta’ kodisinn, u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini Ewropej u l-post tal-għajxien tagħhom u l-inħawi tagħhom, minn assoċjazzjonijiet u komunitajiet lokali. Irid jiġi żviluppat finanzjament kollettiv tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u l-aċċess għal dan il-finanzjament mill-atturi lokali jrid jiġi garantit minn punt uniku ta’ servizz tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida f’kull Stat Membru.

4.3.

Jeħtieġ li jkun hemm parteċipazzjoni attiva f’dan l-approċċ parteċipattiv promoss mill-Kummissjoni Ewropea u fit-twaqqif tal-moviment tal-“Bauhaus Ewropea l-Ġdida” sabiex jinżamm id-djalogu maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili sabiex isolvu l-problemi tagħhom ta’ kuljum u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

4.4.

Hija importanti l-parteċipazzjoni attiva f’dan il-proġett kif ukoll f’dan il-moviment permezz tal-organizzazzjoni ta’ konferenza annwali tal-KESE dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u s-soċjetà ċivili – soċjetà ċivili li tirrappreżentaha fil-festival annwali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida propost mill-Kummissjoni, u bit-twaqqif ta’ pjattaforma tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għas-soċjetà ċivili.

4.5.

Il-KESE jirrakkomanda konformità mat-tliet prinċipji fundamentali li ħarġu mill-proċess ta’ kokreazzjoni, it-tagħqid tad-dimensjonijiet globali u lokali tal-parteċipazzjoni, inklużi gruppi żvantaġġjati, u tat-transdixxiplinarjetà, permezz ta’ approċċ territorjali għal proġetti u inizjattivi fl-inħawi, fl-irħula u fil-bliet, filwaqt li jittieħed kont tad-dimensjoni globali tat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni ekoloġika.

4.6.

Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm qbil ukoll dwar l-assi tematiċi li ħarġu mill-fażi ta’ kodisinn, jiġifieri l-konnessjoni mill-ġdid man-natura, il-kisba mill-ġdid ta’ sens ta’ appartenenza, il-prijoritizzazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn permezz ta’ soluzzjonijiet affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkomodazzjoni, u riflessjoni fit-tul dwar iċ-ċiklu tal-ħajja fl-ekosistema industrijali u dwar il-ħajja tal-bini u tal-akkomodazzjonijiet.

4.7.

Il-KESE beħsiebu jitlob sinerġija reali bejn il-moviment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-iżviluppi leġiżlattivi futuri relatati mal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jiġi żgurat it-twettiq ta’ dan il-moviment u biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit li jkun hemm “qafas ta’ abilitazzjoni” b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat. Il-KESE jipproponi li tinħoloq “tikketta tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida”.

4.8.

Il-KESE jemmen li l-investimenti fit-tul fl-infrastruttura lokali u soċjali meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jridu jiġu ttrattati speċifikament fil-qafas tas-Semestru Ewropew u l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

4.9.

Il-KESE jqis ukoll li t-taħriġ inizjali u kontinwu interdixxiplinari fil-professjonijiet il-ġodda li għandu jiġi żviluppat fit-territorji jrid jiġi promoss mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdid fil-qafas tal-azzjonijiet u l-programmi Ewropej.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 93.

(2)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 73.

(3)  https://ec.europa.eu/newsroom/neb/newsletter-archives/view/service/2137.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ”

(COM(2021) 660 final)

(2022/C 275/13)

Relaturi:

Thomas KATTNIG, Alena MASTANTUONO, Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 1.12.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

2.2.2022

Adottata fil-plenarja

24.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

193/10/7

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-aktar impatt intensiv fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ġej miż-żieda globali qawwija fid-domanda għall-gass u dan ġie intensifikat aktar mix-xejra ’l fuq fl-irkupru ekonomiku, mit-tnaqqis fil-provvisti tal-UE, min-nuqqas ta’ investiment minħabba l-politika ta’ awsterità wara l-kriżi tas-suq finanzjarju u dik ekonomika u mill-manutenzjoni mdewma tal-infrastruttura minħabba l-pandemija. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-elettriku żdiedu wkoll minħabba l-kundizzjonijiet staġonali tat-temp (livelli baxxi ta’ ilma u riħ matul is-sajf) li rriżultaw fi produzzjoni aktar baxxa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa. Iż-żieda fil-prezzijiet ikkontribwiet b’mod limitat biss għall-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS).

1.2.

L-UE tinsab fi triqitha biex tilħaq il-miri klimatiċi għall-2030 li se jwassluna għal ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. Minbarra l-investimenti enormi meħtieġa mit-tranżizzjoni, dan jirrikjedi wkoll adattament tal-ekosistema tal-enerġija kollha kemm hi. L-isforzi biex nabbandunaw l-enerġija fossili u, f’ċerti Stati Membri, l-enerġija nukleari jfissru li hemm inqas sorsi oħra disponibbli u li qed tiżdied id-dipendenza mill-ftit sorsi li fadal. Dan jagħmel is-sistema tal-enerġija Ewropea aktar vulnerabbli, prinċipalment f’termini ta’ volatilità fil-prezzijiet, u tinħtieġ reazzjoni rapida sabiex tiġi żgurata sitwazzjoni stabbli u prevedibbli fir-rigward tal-prezzijiet tal-enerġija.

1.3.

Il-kriżi attwali tal-prezzijiet tal-enerġija ma tolqotx b’mod daqshekk qawwi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji Ewropej kieku l-Ewropa ma kenitx daqshekk dipendenti mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Ċerti pajjiżi jisfruttaw din id-dipendenza għal skopijiet ġeopolitiċi. B’riżultat ta’ dan, jintlaqtu ħażin il-konsumaturi u n-negozji Ewropej. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma rnexxilhomx inaqqsu din id-dipendenza għalkemm il-Kummissjoni tiddefinixxi dan l-għan, fost għanijiet oħra bħat-tqegħid tal-konsumatur fil-qalba tas-sistema tal-enerġija, bħala wieħed mill-objettivi strateġiċi għall-Unjoni tal-Enerġija. Fiż-żewġ każijiet, il-politika Ewropea dwar l-enerġija għadha lura ferm meta mqabbla mal-ambizzjonijiet tagħha stess.

1.4.

Minħabba l-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-elettrifikazzjoni, ġeneralment aċċettati bħala mezz ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa, l-Ewropa teħtieġ investiment sinifikanti f’sorsi sostenibbli ta’ enerġija b’livell baxx jew żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jsiru l-aqwa sforzi possibbli biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli, li jista’ jnaqqas il-prezzijiet u ċertament ser iżid l-awtonomija enerġetika tal-UE (li tkun inqas dipendenti minn reġimi li jużaw is-sorsi tal-enerġija bħala lieva ġeopolitika).

1.5.

Ir-regolaturi nazzjonali jeħtieġ li jkollhom rwol attiv fl-indirizzar ta’ kull tip ta’ tħassib tal-konsumaturi, u jinfurmaw lill-konsumaturi b’mod proattiv dwar id-drittijiet tagħhom fil-fażi attwali ta’ prezzijiet għoljin. Bl-istess mod, meta jiġu stabbiliti t-tariffi, il-fornituri għandhom jiġu mħeġġa jiżguraw li t-tariffi stabbli jibqgħu jkunu disponibbli għall-konsumaturi u mhux biss l-hekk imsejħa tariffi “varjabbli”, li jirriflettu l-iżviluppi fil-boroż.

1.6.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ma jistgħux ifixklu l-isforzi tal-politika dwar it-tibdil fil-klima. Għalhekk, dawk li huma affettwati minn żidiet fil-prezzijiet għandhom definittivament jiġu appoġġjati, pereżempju billi jkunu jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija, biex jipparteċipaw fil-ġenerazzjoni u fl-użu ta’ enerġiji rinnovabbli huma stess jew fil-komunitajiet, u b’hekk jibbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi ta’ sorsi ta’ enerġija b’livell baxx jew żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

1.7.

Il-KESE japprezza l-appoġġ finanzjarju dirett, kif ukoll l-istrumenti bbażati fuq it-taxxa, bħala l-aktar miżura effettiva u disponibbli minnufih li tgħin lill-entitajiet vulnerabbli. Fl-istess ħin, huwa jappoġġja l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri, b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet reali f’pajjiżi individwali, eż. il-prevenzjoni tal-iskonnessjoni tal-provvista tal-enerġija matul l-istaġun kiesaħ, il-pjani ta’ pagamenti parzjali fit-tul u l-użu ta’ strumenti differenti tal-politika tat-tassazzjoni.

1.8.

Il-KESE mhux biss jappoġġja l-miżuri ta’ emerġenza biex jiġu evitati konsegwenzi soċjali drastiċi, iżda huwa ferm favur evalwazzjonijiet tas-suq li jittestjaw l-imġiba tal-atturi fis-suq tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif stabbilit fil-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dan jista’ jwassal għal aktar effiċjenza u għall-eliminazzjoni tal-fallimenti tas-suq. Huwa meħtieġ kontroll aktar effettiv tas-suq min-naħa tal-awtoritajiet. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed jikkunsidra l-possibbiltà li l-Istati Membri tal-UE jixtru l-gass u ż-żejt b’mod konġunt, speċjalment fid-dawl tal-avvenimenti reċenti fl-Ukrajna li enfasizzaw il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiżgura l-provvisti tal-enerġija meta tiffaċċja kriżi ġeopolitika.

1.9.

Barra minn hekk, huwa meħtieġ titjib fis-sistema tal-grilja ta’ trażmissjoni permezz tal-espansjoni tal-interkonnetturi u infrastruttura tal-ħżin żviluppata aħjar.

1.10.

Huma meħtieġa inċentivi biex iħeġġu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji jiksbu prodotti u teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija, u jipproduċu l-enerġija huma stess. L-assistenza diretta lil dawk fil-bżonn għandha tkun immirata u mhux ġeneralizzata. Għandha tirrifletti d-dimensjoni soċjali u m’għandhiex tfixkel it-twettiq tat-trasformazzjoni ekoloġika. Tista’ tiġi kkunsidrata għotja limitata fiż-żmien (eż., għall-ewwel 300 kWh ta’ elettriku għal kull persuna u unità domestika) sa limitu ta’ introjtu li għandu jiġi definit. Għandha tingħata wkoll assistenza diretta, taħt limitu massimu ta’ dħul li għandu jiġi definit, sakemm ma tkun disponibbli l-ebda soluzzjoni alternattiva affordabbli fis-sitwazzjoni rispettiva.

1.11.

Il-kriżi attwali tal-prezzijiet tipprovdi wkoll opportunitajiet. Din tagħmel l-investiment fil-provvista ta’ enerġija rinnovabbli Ewropej u l-miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija aktar attraenti. Madankollu, ħafna ċittadini ma għandhomx il-flus għal dawn l-investimenti. Huma meħtieġa programmi ta’ appoġġ imfassla speċifikament fil-livell tal-Unjoni, tal-Istati Membri u dak reġjonali/muniċipali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bħala konsumaturi attivi kif previst fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, u jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli.

1.12.

Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-fornituri tal-enerġija bħala atturi ewlenin fir-rigward tad-disponibbiltà tas-servizzi ta’ interess ġenerali u jiddikjara li l-bidla fit-tfassil tas-suq tal-enerġija f’dawn l-aħħar 20 sena ħalliet lill-Istati Membri b’inqas strumenti politiċi biex jindirizzaw l-ispejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu. Id-disinn attwali tas-suq tal-enerġija jidher li għandu nuqqasijiet fir-reazzjoni għall-volatilità tal-prezzijiet u biex joffri benefiċċji lill-produtturi żgħar tal-enerġija rinnovabbli u lill-konsumaturi kollha. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta li se toffri rispons effettiv għal dawn in-nuqqasijiet u li taqbel mat-tranżizzjoni ekoloġika.

2.   Sfond, fatti u kuntest (kif mogħtija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni)

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-Komunikazzjoni tagħha dwar kif għandha tiġi indirizzata ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Ir-raġuni għall-pubblikazzjoni tagħha, li tieħu l-forma ta’ sett ta’ għodod, hija ż-żieda qawwija fuq medda qasira ta’ żmien fil-prezzijiet tal-enerġija, li għandha impatt negattiv fuq l-irkupru ta’ wara l-COVID u l-benesseri tal-popolazzjoni tal-UE.

2.2.

Il-Komunikazzjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija toffri sett ta’ miżuri dwar kif l-UE u l-Istati Membri għandhom jirreaġixxu f’dan il-perjodu ta’ żmien diffiċli. Din tinkludi sett ta’ miżuri immedjati, fuq perjodu ta’ żmien qasir u fuq perjodu ta’ żmien medju. Dawn jinkludu kemm għodod ta’ emerġenza u ta’ kumpens, kif ukoll investimenti u bidliet istituzzjonali u proċedurali; il-gruppi ewlenin fil-mira huma l-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Is-sett ta’ għodod jipprovdi approċċ koordinat biex jiġu protetti dawk li huma l-aktar f’riskju.

2.3.

Mill-2019 sa Settembru 2021, iż-żieda medja fil-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass u l-elettriku fl-UE ammontat għal 429 % u 230 % rispettivament. Iż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut s’issa kienet ħafna aktar moderata (14 %, jew 7 % rispettivament), madankollu, it-tbassir fuq terminu qasir għal din ix-xitwa juri li huma wkoll jistgħu jsegwu l-prezzijiet bl-ingrossa. Dan l-iżvilupp ikun ifisser xokk kbir għall-baġits tal-unitajiet domestiċi u fluss tal-flus sod, u jirrikjedi azzjoni politika leġittima, minkejja l-fatt li t-tbassir jgħid li s-suq għandu jistabbilizza sa madwar April 2022 għall-gass u l-2023 għall-elettriku.

2.4.

Madankollu, id-differenzi kbar fil-prezzijiet huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ir-riżultat tas-suq. Dan huwa parzjalment minnu wkoll għall-ETS fejn rajna żidiet simili fil-prezzijiet. Fil-perjodu bejn Jannar 2020 u Novembru 2021, il-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet żdied minn madwar EUR 20 għal kull tunnellata għal madwar EUR 75 għal kull tunnellata.

2.5.

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-aktar impatt intensiv fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ġej miż-żieda globali qawwija fid-domanda għall-gass, u ż-żieda fil-prezzijiet hija dovuta sa ċertu punt biss għall-iżvilupp tal-EU ETS. Iż-żieda fid-domanda għall-gass ġiet xprunata mix-xejra ’l fuq fl-irkupru ekonomiku, mill-provvisti aktar stretti lejn l-UE u d-dewmien fil-manutenzjoni tal-infrastruttura minħabba l-pandemija. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-elettriku żdiedu wkoll minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp staġonali (livelli baxxi ta’ ilma u riħ matul is-sajf) li rriżultaw fi produzzjoni aktar baxxa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa.

2.6.

Il-Kummissjoni tikteb dwar żidiet “temporanji” fil-prezzijiet tal-enerġija u tipprovdi analiżi tajba li tappoġġja dan il-punt. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li x-xejra hija kompletament differenti għall-enerġija rinnovabbli meta mqabbla mal-fjuwils fossili, minħabba li l-ispejjeż ilhom is-snin jonqsu kontinwament.

2.7.

Ma hemmx soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd. Il-prezzijiet tal-enerġija jvarjaw ħafna madwar l-UE. Dan huwa dovut, fost affarijiet oħra, għall-fatt li l-Istati Membri jintervjenu fis-swieq b’mod differenti ħafna fil-preżent, eż., b’taxxi u dazji, eżenzjonijiet jew piżijiet li ħafna drabi jaffettwaw biss lil xi konsumaturi. F’xi Stati Membri, il-biċċa l-kbira tal-prezzijiet tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi huma bbażati fuq il-prezzijiet tal-kambju għall-elettriku u għall-gass naturali (prezzijiet varjabbli).

2.8.

Id-dipendenza għolja mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili hija wkoll theddida għas-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa, kif nistgħu naraw bħalissa. Il-livelli tal-provvista ġiegħlu li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass jitbattlu u l-ħżin tal-gass fl-Ewropa naqas għal livelli storikament baxxi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu miżuri biex tisfrutta l-pożizzjoni ta’ negozjar b’saħħitha tagħha, peress li l-Ewropa hija akkwirent kbir u, fil-konfront tar-Russja, akkwirent b’saħħtu u strateġikament importanti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-UE tinsab fi triqitha biex tilħaq il-miri klimatiċi għall-2030 li se jwassluna għal ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. Minbarra l-investimenti enormi meħtieġa mit-tranżizzjoni, dan jirrikjedi wkoll adattament tal-ekosistema tal-enerġija kollha kemm hi. L-isforzi biex nabbandunaw l-enerġija fossili u, f’xi Stati Membri, l-enerġija nukleari jfissru li hemm inqas sorsi oħra disponibbli u li qed tiżdied id-dipendenza mill-ftit sorsi li fadal. Dan jagħmel is-sistema tal-enerġija Ewropea aktar vulnerabbli, prinċipalment f’termini ta’ volatilità fil-prezzijiet, u tinħtieġ reazzjoni rapida sabiex tiġi żgurata sitwazzjoni stabbli u prevedibbli fir-rigward tal-prezzijiet tal-enerġija. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ r-reazzjoni rapida mill-Kummissjoni Ewropea għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u jaqbel mal-kontenut tagħha, u l-aktar mal-istrumenti proposti. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jużaw dawn l-istrumenti minnufih sabiex itaffu l-effetti negattivi taż-żieda fil-prezzijiet fuq l-aktar gruppi vulnerabbli.

3.2.

Il-KESE jifhem li l-miżuri immedjati proposti huma aktar iffukati fuq l-eliminazzjoni tal-konsegwenzi negattivi tal-iżvilupp tas-suq tal-enerġija, u l-miżuri ta’ nofs it-terminu huma mmirati lejn is-soluzzjoni tal-kawżi.

3.3.

Il-KESE jappoġġja s-sett ta’ miżuri immedjati u n-natura tagħhom, iffukati fuq l-aktar gruppi vulnerabbli. L-unitajiet domestiċi fqar fl-enerġija u b’introjtu baxx u medju inferjuri huma l-aktar affettwati minħabba li jonfqu ishma ferm ogħla mill-introjtu tagħhom fuq l-enerġija. Madankollu, dan għandu wkoll impatt kbir fuq in-negozji, jiġifieri l-SMEs u l-industriji li jużaw ħafna enerġija. L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija jinħass b’mod mhux uniformi fis-setturi kollha u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għaż-żieda fl-inflazzjoni.

3.4.

Għandu jingħad ukoll li l-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa fl-2021 ma kinux ogħla b’mod sinifikanti milli kienu fl-2008 jew fl-2012; dan huwa suq volatili ħafna. Madankollu, id-differenzi kbar fil-prezzijiet huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ir-riżultat tas-suq. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-aktar impatt intensiv fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ġej miż-żieda globali qawwija fid-domanda għall-gass u dan ġie intensifikat aktar mix-xejra ’l fuq fl-irkupru ekonomiku, mit-tnaqqis fil-provvisti tal-UE, min-nuqqas ta’ investiment minħabba l-politika ta’ awsterità wara l-kriżi tas-suq finanzjarju u dik ekonomika u minħabba l-kundizzjonijiet staġonali tat-temp (livelli baxxi ta’ ilma u riħ matul is-sajf) li rriżultaw fi produzzjoni aktar baxxa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Ewropa.

3.5.

Il-KESE jqis li s-soċjetà għandha tkun motivata permezz ta’ inċentivi, appoġġ finanzjarju (speċjalment għall-familji bi dħul baxx u gruppi vulnerabbli oħra) u pariri indipendenti biex taqleb minn fjuwils fossili għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li mhumiex biss ikkaratterizzati minn spejjeż ta’ investiment inizjali relattivament għoljin, iżda wkoll minn spejjeż ta’ produzzjoni baxxi u minn spejjeż operatorji baxxi.

3.6.

Stimolu importanti ieħor f’dan ir-rigward huwa l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-enerġija fossili. Bejn l-2015 u l-2019, is-sussidji għall-fjuwils fossili żdiedu b’4 % fl-UE u naqsu b’mod sinifikanti fl-2020. Is-sussidji naqsu b’10 % fis-settur tal-enerġija u b’4 % fl-industrija, filwaqt li fit-trasport żdiedu b’25 % u bi 13 % għall-unitajiet domestiċi li jibbenefikaw minn sussidji fuq il-konsum taż-żejt għat-tisħin u tal-gass naturali. (1) Is-sussidji għandhom rwol importanti fil-qasam soċjali, peress li jiżguraw li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b’mod ġust.

3.7.

Il-KESE dejjem kien favur il-pożizzjoni li l-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġ li jirriflettu r-realtà, li jfisser li l-prezzijiet għandhom ikopru l-esternalitajiet kollha. F’dan ir-rigward, huwa raġonevoli li wieħed jistenna prezzijiet ogħla billi l-fjuwils fossili se jipprovdu inċentivi mmexxija mis-suq għall-iffrankar tal-enerġija u għall-bidla għal sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, it-tmiem tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent għall-enerġiji fossili se jikkontribwixxi għaż-żieda fil-prezzijiet. Madankollu, l-impatt soċjali u ekonomiku tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew jeħtieġ li jiġi analizzat bir-reqqa.

3.8.

Minħabba l-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-elettrifikazzjoni, ġeneralment aċċettati bħala mezz ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa, l-Ewropa teħtieġ investiment sinifikanti f’sorsi sostenibbli ta’ enerġija b’livell baxx jew żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, pereżempju s-soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija, jeħtieġ li jiġi aċċellerat. Il-KESE jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-produzzjoni tal-enerġija permezz tal-hekk imsejħin Komunitajiet tal-Enerġija, sabiex l-enerġija tiġi kkunsmata fejn tiġi prodotta, u li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-provvisti għal ċerti żoni. Il-kondiviżjoni tal-enerġija permezz tal-Komunitajiet tal-Enerġija tagħmilha possibbli għall-membri, inklużi l-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija jew l-SMEs li ma jistgħux jinvestu fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma stess, biex jibbenefikaw mill-vantaġġi tat-tnaqqis fl-ispejjeż tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

3.9.

It-tnaqqis tad-dipendenza għolja tal-Ewropa mill-importazzjonijiet jikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija. Xi pajjiżi barra mill-UE jisfruttaw din id-dipendenza għal skopijiet ġeopolitiċi. B’riżultat ta’ dan, jintlaqtu ħażin il-konsumaturi u n-negozji Ewropej. Għalhekk huwa adatt li l-Kummissjoni diġà għamlet it-tnaqqis tal-importazzjonijiet tar-riżorsi tal-enerġija għan strateġiku snin ilu, eż. fi ħdan il-qafas strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija. Madankollu, it-tħabbir tal-għanijiet mhuwiex biżżejjed; is-suċċessi li saru sal-lum huma aktar minn modesti (ara TEN/724). Huma meħtieġa azzjonijiet konkreti, u dawn huma nieqsa.

3.10.

Fir-rigward tal-vetturi futuri tal-enerġija bħall-idroġenu, hemm riskju li d-dipendenza mill-importazzjonijiet saħansitra qed tiżdied, peress li xi wħud jargumentaw favur importazzjonijiet tal-idroġenu li allegatament ikunu “rħas”, u jinjoraw il-fatt li dan jagħmel lill-Ewropa aktar vulnerabbli għall-manipulazzjoni tal-prezzijiet minn pajjiżi mhux fl-UE b’interessi ġeopolitiċi, biex fl-aħħar mill-aħħar il-konsumaturi jġarrbu l-ispiża. Din hija problema magħrufa sew li tmur lura għall-ewwel kriżi taż-żejt fl-1973. Minn dakinhar ’l hawn, kważi ma sar xejn biex is-sitwazzjoni tiżvolġi fid-direzzjoni t-tajba, minkejja l-wegħdiet kollha li saru. pereżempju fil-qafas strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.11.

Il-KESE jqis li s-soċjetà għandha tkun motivata permezz ta’ inċentivi, appoġġ finanzjarju u pariri indipendenti biex taqleb minn fjuwils fossili għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li mhumiex biss ikkaratterizzati minn spejjeż ta’ investiment inizjali relattivament għoljin, iżda wkoll minn spejjeż ta’ produzzjoni baxxi u minn spejjeż operatorji baxxi. Sfortunatament, xi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mhumiex sors stabbli, li jindika l-ħtieġa ta’ teknoloġija għall-ħżin u, f’fażi tranżitorja, sorsi bħall-gass u sorsi sikuri u sostenibbli b’livell żero u baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibda kampanja biex tfiehem aħjar il-benefiċċji tal-enerġija nadifa. Il-KESE għandu jikkontribwixxi għal kampanja bħal din u jipprovdi l-għarfien espert tiegħu.

3.12.

Għall-konsumaturi finali, hemm żewġ modi kif inaqqsu l-kont tal-enerġija b’mod immedjat: a) jiffrankaw l-enerġija u b) jużaw enerġiji rinnovabbli f’livell lokali. Il-problema: it-tnejn jeħtieġu investimenti inizjali (eż. fl-insulazzjoni termali, apparat ġdid aktar ekonomiku, sistemi PV u l-bqija.). Dawk li jbatu l-aktar minn prezzijiet għoljin tal-enerġija normalment ma jkollhomx il-flus għal dawn l-investimenti. L-ikkuntrattar immexxi mill-Istat jista’ jipprovdi rimedju: l-Istat jiffinanzja tali investimenti bil-quddiem, u l-konsumaturi iħallsu, minn parti mill-flus li jiffrankaw fil-kontijiet tal-elettriku u tat-tisħin tagħhom, l-imgħax u l-ħlas lura. Huma jistgħu jżommu l-bqija tal-flus iffrankati. Dan il-mudell wera xi jsarraf fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jista’ jiġi ttrasferit faċilment għall-Ewropa. Huwa importanti li jiġu ssodisfati l-istandards minimi tal-liġi tal-konsumatur bħal għażliet ta’ kontabilità u terminazzjoni trasparenti. Għażla oħra hija l-għotjiet ta’ investiment dirett.

3.13.

Il-miżuri ta’ kumpens iridu jkunu mmirati u mhux ġeneralizzati; għandhom jirriflettu d-dimensjoni soċjali u ma jfixklux it-twettiq tat-trasformazzjoni ekoloġika. Tista’ tiġi kkunsidrata għotja limitata fiż-żmien (eż. għall-ewwel 300 kWh ta’ elettriku għal kull persuna f’unità domestika) sa limitu ta’ introjtu li għandu jiġi definit. Huwa essenzjali li jingħata sussidju lil gruppi vulnerabbli, sakemm ma tkun disponibbli l-ebda soluzzjoni alternattiva affordabbli għat-tisħin jew għat-trasport fis-sitwazzjoni tagħhom.

3.14.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli tekniċi għall-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħal permessi ta’ ppjanar fit-tul għall-installazzjonijiet tat-turbini tar-riħ. Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri jikkunsidraw, kemm jista’ jkun, l-użu tal-5G għat-tranżizzjoni ekoloġika biex jiġu ottimizzati l-konsum u l-iffrankar tal-enerġija. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza din il-kwistjoni fl-2022.

3.15.

Il-KESE jappella għal aktar awtonomija fis-sorsi tal-enerġija, peress li d-dipendenza għolja mill-importazzjonijiet għandha impatt fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea għamlet it-tnaqqis tal-importazzjonijiet tar-riżorsi tal-enerġija għan strateġiku. Huma meħtieġa azzjonijiet konkreti, u d-dipendenza mill-importazzjonijiet trid tiġi evitata għal vetturi futuri tal-enerġija, bħall-idroġenu.

3.16.

Il-KESE mhux biss jappoġġja l-miżuri ta’ emerġenza biex jiġu evitati konsegwenzi soċjali drastiċi, iżda huwa ferm favur evalwazzjonijiet tas-suq li jittestjaw l-imġiba tal-atturi fis-suq tal-enerġija. Fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif stabbilit fil-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dan jista’ jwassal għat-titjib u l-effiċjenza tiegħu u l-eliminazzjoni tal-fallimenti tas-suq. Huwa meħtieġ kontroll aktar effettiv tas-suq min-naħa tal-awtoritajiet.

3.17.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timmonitorja b’mod permanenti s-sitwazzjoni straordinarja tas-suq tal-enerġija, tevalwa ta’ kuljum ir-riżultati u taġġusta l-intensità tal-miżuri adottati għas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa.

3.18.

Filwaqt li l-KESE minn dejjem esprima l-fehma li neħtieġu ETS b’saħħitha għall-ipprezzar ta’ esternalitajiet negattivi, jeħtieġ li jitqies li l-intrapriżi li jeħtieġu kwoti jikkompetu ma’ istituzzjonijiet finanzjarji u intermedjarji, peress li jarmu s-CO2 fil-proċess tal-produzzjoni. L-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet huwa strument użat biex jiġu pprezzati l-esternalitajiet bħall-ħsara lill-klima, iżda m’għandux isir suq għall-ispekulazzjoni finanzjarja. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tanalizza liema għażliet għandha l-Unjoni Ewropea biex tfassal strutturi tas-suq li jipprevjenu żviluppi bħal dawn li huma estremament ħżiena għall-konsumaturi, għall-kumpaniji tal-provvista u għall-investituri.

3.19.

Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-fornituri tal-enerġija bħala atturi ewlenin fir-rigward tad-disponibbiltà tas-servizzi ta’ interess ġenerali u jiddikjara li l-bidla fit-tfassil tas-suq tal-enerġija f’dawn l-aħħar 20 sena ħalliet lill-Istati Membri b’inqas strumenti politiċi biex jindirizzaw l-ispejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu. It-tfassil attwali tas-suq tal-enerġija jidher li għandu nuqqasijiet fir-reazzjoni għall-volatilità tal-prezzijiet u biex joffri benefiċċji lill-produtturi żgħar tal-enerġija rinnovabbli u lill-konsumaturi kollha. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta li se toffri rispons effettiv għal dawn in-nuqqasijiet u li taqbel mat-tranżizzjoni ekoloġika.

3.20.

Il-KESE jenfasizza li huwa fundamentali li wieħed jipproċedi bil-miżuri fuq perjodu medju favur ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-suq tal-enerġija tal-UE u l-prodotti tiegħu bi prezzijiet affordabbli. Huwa partikolarment importanti li jiżdied il-volum tal-investimenti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (peress li ħafna mill-kapaċitajiet konvenzjonali attwali dalwaqt mhux se jkunu disponibbli), u b’hekk tiġi appoġġjata n-naħa tal-provvista tas-suq. Fl-istess ħin, huwa daqstant importanti li jiġu żviluppati l-konnettività u s-sigurtà tal-kunsinni tal-enerġija madwar l-UE, u li jiġu xprunati l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura tal-grilja. Inkella, il-konvinzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-aħjar rimedju għall-istabbiltà u s-sostenibbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija hija l-installazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ġodda, mhux se taħdem.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE huwa konvint li għandhom jiġu adottati regoli regolatorji ġodda, aktar preċiżi u aktar stretti għall-kumpaniji tal-provvista tal-enerġija li joffru komoditajiet lill-konsumaturi finali. Il-KESE huwa tal-fehma li xi wħud minn dawn il-kumpaniji tal-provvista ma kinux qed jaġixxu b’mod kompetenti. Fi kliem ieħor, il-fornituri għandhom ikunu reżiljenti għall-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet fis-suq u ma jkollhomx għalfejn itemmu l-kuntratti mal-konsumaturi immedjatament. Jiġifieri, għandu jkollhom, pereżempju, riżerva ta’ kapital suffiċjenti jew jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Il-KESE jqis li r-rwol tar-regolaturi nazzjonali għandu jikkonsisti wkoll f’analiżi fil-fond regolari tar-responsabbiltà tal-operaturi tas-suq.

4.2.

Ir-regolaturi nazzjonali jeħtieġ li jkollhom rwol attiv fl-indirizzar ta’ kull tip ta’ tħassib tal-konsumaturi, u jinfurmaw lill-konsumaturi b’mod proattiv dwar id-drittijiet tagħhom fil-fażi attwali ta’ prezzijiet għoljin. Dan jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni dwar bidliet fil-fornituri u għażliet ta’ kanċellazzjoni jew portali ta’ tqabbil indipendenti fejn jistgħu jitqabblu tariffi differenti u l-kundizzjonijiet tagħhom, iżda wkoll appoġġ fit-tilwim u fl-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ. Bl-istess mod, meta jiġu stabbiliti t-tariffi, il-fornituri għandhom jiġu mħeġġa jiżguraw li t-tariffi stabbli jibqgħu jkunu disponibbli għall-konsumaturi u mhux biss l-hekk imsejħa tariffi “varjabbli”, li jirriflettu l-iżviluppi fuq l-iskambji.

4.3.

Il-KESE jipproponi politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur aktar proattiva bil-għan li tinforma lill-konsumaturi, u li l-kumpaniji tal-provvista jkunu mħejjija aħjar għall-kriżijiet, anke permezz ta’ obbligu ta’ kopertura kontra l-problema taż-żieda fil-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa.

4.4.

Il-konsumaturi jeħtieġu protezzjoni aħjar, kundizzjonijiet kuntrattwali trasparenti, kontroll effettiv tal-prezzijiet, pariri indipendenti u possibbiltajiet sempliċi b’rabta mal-infurzar legali, fuq kollox fil-qasam tal-provvista tat-tisħin u tat-tkessiħ. Hemm bżonn ta’ distinzjoni bejn l-ikkuntrattar għall-iffrankar tal-enerġija u l-ikkuntrattar tal-faċilitajiet. Għandu jkun stabbilit fil-liġi li l-inkwilini għandhom iħallsu biss spejjeż operatorji “reali” għall-provvista tal-enerġija. Fil-każ tal-ġenerazzjoni tas-sħana fil-bini, dawn jikkonsistu biss fl-ispejjeż tas-sors tal-enerġija użat, flimkien ma’ spejjeż raġonevoli għall-manutenzjoni u l-appoġġ tas-sistema tat-tisħin. Ir-riskji kuntrattwali u finanzjarji mill-ftehimiet kuntrattwali għandhom jiġġarrbu minn dawk li jikkonkludu tali ftehimiet bażiċi, eż., żviluppaturi tal-proprjetà u sidien tal-proprjetà.

4.5.

Il-KESE japprezza l-appoġġ finanzjarju dirett, kif ukoll l-istrumenti bbażati fuq it-taxxa, bħala l-aktar miżura effettiva u disponibbli b’mod immedjat, li tgħin lill-entitajiet vulnerabbli. Fl-istess ħin, huwa jappoġġja l-ħolqien ta’ soluzzjoni speċifika għall-Istati Membri, b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet reali f’pajjiżi individwali eż., il-prevenzjoni tal-iskonnessjoni tal-provvista tal-enerġija matul l-istaġun kiesaħ, il-pjani ta’ pagament fit-tul u l-użu ta’ strumenti differenti tal-politika tat-tassazzjoni fihom. L-Istati Membri jridu jimplimentaw ukoll strumenti u programmi speċifiċi li jgħinu b’mod partikolari lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx biex jimplimentaw miżuri ta’ effiċjenza enerġetika.

4.6.

Fir-rigward tat-tassazzjoni, fis-sett ta’ għodod tagħha, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jitnaqqsu t-taxxi relatati mal-enerġija għar-rati minimi tat-taxxa stabbiliti mid-direttivi (id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, id-Direttiva dwar il-VAT). Sabiex jiġi promoss l-aċċess għall-enerġija ekoloġika, speċjalment l-elettriku rinnovabbli, hija meħtieġa rata tat-taxxa li tiddistingwi bejn l-impatt ambjentali tas-sorsi tal-enerġija, kif propost mill-Kummissjoni fl-emenda għad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (COM(2021) 563).

4.7.

Sabiex jiġu appoġġjati l-unitajiet domestiċi li huma foqra fl-enerġija, il-KESE jindika r-rwol importanti tal-awtoritajiet jew tal-atturi lokali u reġjonali fl-appoġġ ta’ dawn l-unitajiet domestiċi. Ħafna drabi, gruppi speċifiċi ta’ miżuri, pereżempju fl-Awstrija s-sussidji għat-tisħin biex jappoġġjaw l-affordabbiltà finanzjarja tat-tisħin u tal-ilma sħun, huma r-responsabbiltà tal-istati federali (reġjuni) u tal-muniċipalitajiet. Dawn is-servizzi ta’ appoġġ għandhom jiġu elenkati fil-Pjani Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima sabiex jippermettu paragun bejn l-Istati Membri u, abbażi ta’ dan, it-tagħlim reċiproku.

4.8.

L-aċċess għal enerġija affordabbli huwa prerekwiżit ewlieni għall-parteċipazzjoni soċjali u għal kundizzjonijiet ta’ għajxien dinjitużi, peress li primarjament hija l-enerġija li tagħmel il-provvista tad-dawl, tas-sħana, tal-mobbiltà u tal-komunikazzjoni possibbli. In-nies li huma affettwati mill-faqar enerġetiku ma jistgħux jagħmlu użu minn dan it-tip ta’ provvediment mingħajr tħassib, u għalhekk huma ristretti bil-kbir fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan għandu jiġi miġġieled b’mod determinat u l-faqar enerġetiku jrid jiġi miġġieled b’mod sostenibbli.

Brussell, l-24 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2021) 950 final.


ANNESS

L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti:

Punt 3.12

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-Sezzjoni

Emenda

Għall-konsumaturi finali, hemm żewġ modi kif inaqqsu l-kont tal-enerġija b’mod immedjat: a) jiffrankaw l-enerġija u b) jużaw enerġiji rinnovabbli f’livell lokali. Il-problema: it-tnejn jeħtieġu investimenti inizjali (eż. fl-insulazzjoni termali, apparat ġdid aktar ekonomiku, sistemi PV u l-bqija.). Dawk li jbatu l-aktar minn prezzijiet għoljin tal-enerġija normalment ma jkollhomx il-flus għal dawn l-investimenti. L-ikkuntrattar immexxi mill-Istat jista’ jipprovdi rimedju: l-Istat jiffinanzja tali investimenti bil-quddiem, u l-konsumaturi iħallsu, minn parti mill-flus li jiffrankaw fil-kontijiet tal-elettriku u tat-tisħin tagħhom, l-imgħax u l-ħlas lura. Huma jistgħu jżommu l-bqija tal-flus iffrankati. Dan il-mudell wera xi jsarraf fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jista’ jiġi ttrasferit faċilment għall-Ewropa. Huwa importanti li jiġu ssodisfati l-istandards minimi tal-liġi tal-konsumatur bħal għażliet ta’ kontabilità u terminazzjoni trasparenti. Għażla oħra hija l-għotjiet ta’ investiment dirett.

Għall-konsumaturi finali, hemm żewġ modi kif inaqqsu l-kont tal-enerġija b’mod immedjat: a) jiffrankaw l-enerġija u b) jużaw enerġiji rinnovabbli f’livell lokali. Il-problema: it-tnejn jeħtieġu investimenti inizjali (eż. fl-insulazzjoni termali, apparat ġdid aktar ekonomiku, sistemi PV u l-bqija). Dawk li jbatu l-aktar minn prezzijiet għoljin tal-enerġija normalment ma jkollhomx il-flus għal dawn l-investimenti.

Raġuni

Dan il-punt għandu jitħassar, għaliex huwa inkomprensibbli, is-soluzzjoni proposta mhijiex ċara u mhuwiex korrett li jiġi propost li jiġu ttrasferiti soluzzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-Ewropa mingħajr verifika bir-reqqa.

Riżultat tal-votazzjoni fuq l-emenda:

Voti favur:

44

Voti kontra:

120

Astensjonijiet:

51


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010”

[COM(2021) 706 final — 2021/0366(COD)]

(2022/C 275/14)

Relatur:

Arnold PUECH d’ALISSAC

Korelatur:

Florian MARIN

Konsultazzjoni

Konsultazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew, 17.1.2022

Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill Ewropew, 17.1.2022

Bażi legali

Artikolu 192(1) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

9.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

225/3/2

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament. L-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija f’waqtha u rilevanti ħafna.

1.2.

Għalkemm jifhem li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tfittex li ssib bilanċ bejn il-faċilità ta’ implimentazzjoni u l-effiċjenza, il-Kumitat iqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandu jitwessa’:

Ir-Regolament ma għandux ikopri biss id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Il-prodotti u l-komoditajiet, li l-produzzjoni tagħhom wasslet għall-qerda ta’ ekosistemi oħra ta’ konservazzjoni ta’ valur għoli bħal savani, artijiet mistagħdra, torbiera, mangrovji jew buffers riparji, għandhom ikunu koperti wkoll minn projbizzjoni li ma tħallihomx jitqiegħdu fis-suq Ewropew.

Komoditajiet importanti ta’ riskju għall-foresti bħall-qamħirrum, iz-zokkor, u l-gomma għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, il-lista ta’ prodotti derivati għandha titwessa’, u r-Regolament għandu jkopri prodotti minn annimali mitmugħa b’komoditajiet ta’ riskju għall-foresti sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoniu l-kompetizzjoni inġusta.

Ir-Regolament għandu jindirizza kwistjonijiet oħra soċjali u ambjentali importanti ħafna li huma assoċjati mal-produzzjoni tal-prodotti koperti, minbarra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Dan huwa ħafna aktar importanti għall-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, għat-trattament ġust tal-ħaddiema u għall-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-ħaddiema. It-talba għal-legalità fil-pajjiż produttur biss, kif previst fil-proposta, mhijiex biżżejjed għall-istess raġuni li mhijiex biżżejjed biex tiġi evitata d-deforestazzjoni.

1.3.

L-effiċjenza u l-effettività tal-leġiżlazzjoni proposta jiddependu mill-prijorità li tingħata fl-Istati Membri u mill-kapaċità operazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru. Għandha tingħata prijorità għolja sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jwettqu kontroll effiċjenti u effettiv, li l-fondi meħtieġa jkunu ddedikati għall-inizjattiva, u li s-sistemi jkunu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

1.4.

Fil-każ tal-parti l-kbira tal-komoditajiet, l-Ewropa għadha ’l bogħod milli tkun l-akbar akkwirent. Fir-rigward ta’ dawn il-komoditajiet, l-effett fuq id-deforestazzjoni ta’ miżuri Ewropej iżolati orjentati fuq id-domanda jista’ jkun limitat. Il-kooperazzjoni politika u l-allinjament dwar inizjattivi orjentati fuq id-domanda ma’ pajjiżi importaturi ewlenin oħra għandhom ikunu prijorità ewlenija.

1.5.

Li jiġu ssodisfati d-domandi Ewropej għad-dokumentazzjoni se tkun ta’ sfida għall-pajjiżi u r-reġjuni produtturi, u mhux inqas għall-bdiewa u għall-azjendi żgħar. Il-KESE jqis li l-ispiża tar-Regolament propost ma għandhiex tiġi trasferita lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira li bilkemm jaqilgħu dħul għall-għajxien.

L-Ewropa jeħtiġilha tinvolvi ruħha mal-pajjiżi produtturi u toffri l-assistenza u l-kooperazzjoni tagħha fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira inklużi n-nisa bħala aġenti tal-bidla, u għandha tiżgura l-parteċipazzjoni effettiva, ħielsa, sinifikanti u infurmata tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira. Il-produtturi f’pajjiżi foqra għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw.

Ir-rwol taċ-ċertifikazzjoni u l-impatt tar-Regolament propost fuq il-bdiewa, inklużi l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u l-komunitajiet lokali, iridu jiġu vvalutati ex ante u l-konklużjonijiet ta’ dawn il-valutazzjonijiet għandhom jiġu integrati fir-Regolament qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

1.6.

Il-penali għandhom ikunu dissważivi. Fl-istess ħin, il-penali u t-tolleranza żero ma għandhomx iwasslu għall-evitar tar-riskju. Jekk l-akkwirenti għas-suq Ewropew jevitaw għalkollox żoni b’riskju mhux negliġibbli ta’ deforestazzjoni, i l-bdiewa u l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira f’żoni remoti qegħdin f’riskju li jitħallew lura. Barra minn hekk, l-Ewropa tirriskja li titlef l-opportunità tagħha li tgħin fit-trasformazzjoni lejn xejriet ta’ produzzjoni aktar sostenibbli fiż-żoni fejn hija l-aktar importanti.

1.7.

L-Ewropa għandha nuqqas strutturali ta’ proteini, li bħalissa huwa kopert minn għalf importat b’livell għoli ta’ proteini, li xi wħud minnu ġej minn reġjuni b’riskju ta’ deforestazzjoni.

L-Ewropa jeħtiġilha żżid il-grad ta’ awtosuffiċjenza tagħha fil-proteina tal-pjanti. L-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa wkoll strateġija ddedikata – marbuta mal-Orizzont Ewropa u l-fond għall-Innovazzjoni tal-UE – għall-iżvilupp, iż-żieda fil-produzzjoni u l-ħolqien ta’ sorsi ġodda ta’ proteini kummerċjabbli. Dan jista’ jinkludi bijoraffinar li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ ħxejjex perenni u produzzjoni fuq skala kbira ta’ proteini minn mikroalgi mitmugħa bil-metan.

1.8.

L-eżenzjonijiet tal-SMEs u d-diliġenza dovuta semplifikata skont is-sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-pajjiżi ma għandhomx joħolqu lakuni li jistgħu jagħmlu r-Regolament ineffettiv. Fl-istess ħin, ir-Regolament ma għandux joħloq piżijiet u spejjeż amministrattivi bla bżonn. Il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa jekk id-dispożizzjonijiet dwar il-ġeolokalizzazzjoni għal irqajja’ individwali u ċerti oneri tal-provi f’pajjiżi b’riskju baxx, humiex proporzjonali jew meħtieġa.

1.9.

Il-KESE jqis li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom ikollhom rwol tanġibbli fil-monitoraġġ tal-effettività tat-tnaqqis tad-deforestazzjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandhom isiru membri tal-pjattaforma tal-Kummissjoni tal-UE ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Il-pjattaforma għandha tingħata rwol ċentrali fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Għandu jiġi pprovdut appoġġ bl-użu tad-data satellitari lill-partijiet ikkonċernati tal-pjattaforma u għandha titqies is-sjieda tad-data. Jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu approċċ komuni sabiex jiġu identifikati s-saħħa u l-istat tal-foresti.

1.10.

Ir-Regolament għandu jkun konsistenti mal-ftehimiet li l-UE għandha mal-imsieħba kummerċjali tagħha. Billi hija kemm l-importatur ewlieni kif ukoll l-akbar esportatur, l-UE għandha interess qawwi li żżomm sistema ta’ kummerċ internazzjonali ġusta, sostenibbli u li tiffunzjona tajjeb.

2.   Sfond

2.1.

Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppublikat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010.

2.2.

L-inizjattiva hija msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, ppubblikata f’Lulju 2019. Il-proposta hija parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-proposta tirrifletti wkoll xi wħud mill-elementi importanti tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa’ lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha.

2.3.

L-objettiv tar-Regolament huwa li jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li huma kkawżati mill-konsum u l-produzzjoni tal-UE. B’hekk huwa mistenni li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-telf globali tal-bijodiversità. L-inizjattiva għandha l-għan li timminimizza l-konsum ta’ prodotti li ġejjin minn ktajjen ta’ provvista assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti li seħħet wara l-31 ta’ Diċembru 2020 – u żżid id-domanda tal-UE għall-kummerċ ta’ komoditajiet u prodotti legali u “mingħajr deforestazzjoni”.

2.4.

Ir-Regolament propost jistabbilixxi d-definizzjonijiet “foresta”, “deforestazzjoni”, “foresta mħawla” u “foresta ta’ tħawwil”, li huma bbażati fuq id-definizzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) ta’ dawn it-termini, iżda b’xi bidliet importanti. Id-definizzjoni ta’ “degradazzjoni tal-foresti” tiddevja sostanzjalment mid-definizzjoni ekwivalenti tal-FAO. Il-komoditajiet u l-prodotti rilevanti jistgħu jitqiegħdu jew isiru disponibbli fis-suq tal-Unjoni, jew jiġu esportati biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

il-prodotti jew il-komoditajiet huma ħielsa mid-deforestazzjoni;

ikunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni; u

ikunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta.

2.5.

Il-komoditajiet u l-prodotti “rilevanti” – il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament – huma elenkati fl-Artikolu 1: il-bhejjem tal-ifrat, il-kawkaw, il-kafè, il-palm taż-żejt, is-sojja u l-injam. Barra minn hekk, l-Anness 1 jindika ċerti “prodotti rilevanti” li fihom, ikunu ġew mitmugħa jew ikunu ġew prodotti permezz tal-komoditajiet rilevanti, b’referenza għall-kodiċi tas-Sistema Armonizzata tal-prodott.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ġie deċiż billi ġie vvalutat liema parametri jippermettu li dan inaqqas bl-aktar mod effettiv il-kontribut tal-Unjoni għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti mmexxija mill-komoditajiet u mill-prodotti, u (n-nuqqas ta’) l-kapaċità tal-Kummissjoni li tinvestiga l-impatt potenzjali tal-applikazzjoni tar-Regolament għall-prodotti derivati kollha.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti derivati elenkati fl-Anness I se jiġi rieżaminat mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati sabiex tinkludi “prodotti rilevanti” addizzjonali.

2.6.

Id-diliġenza dovuta għall-operaturi tinkludi l-ġbir ta’ informazzjoni, dokumenti u data, flimkien ma’ miżuri ta’ valutazzjoni tar-riskju u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju. L-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament tinkludi l-informazzjoni dwar il-fornitur, l-identifikazzjoni tal-pajjiż tal-produzzjoni u l-koordinati tal-ġeolokalizzazzjoni tal-irqajja’ kollha tal-art fejn jiġu prodotti l-komoditajiet u l-prodotti rilevanti, kif ukoll id-data u l-medda ta’ żmien tal-produzzjoni. In-negozjanti li huma SMEs se jkunu soġġetti għal obbligi eħfef ta’ diliġenza dovuta.

2.7.

Is-sistema ta’ diliġenza dovuta hija bbażata fuq ir-riżultati u tinkludi obbligu għall-operaturi li jaċċertaw li jew ma jkun hemm l-ebda riskju jew “riskju negliġibbli” biss li l-komoditajiet u l-prodotti ma jkunux legali u/jew mingħajr deforestazzjoni. Jekk l-operaturi jonqsu milli jissodisfaw dan l-obbligu, huma jiġu pprojbiti milli jqiegħdu l-komoditajiet u l-prodotti rilevanti fis-suq tal-UE, jew li jesportawhom minnu.

2.8.

Ir-Regolament propost jintroduċi sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-pajjiżi li se tippermetti lill-Kummissjoni tikkategorizza l-pajjiżi jew ir-reġjuni sottonazzjonali skont ix-xejriet tad-deforestazzjoni marbuta mal-prodotti rilevanti koperti. Se jkun hemm tliet kategoriji ta’ riskju: baxx, standard u għoli. L-obbligi għall-operaturi u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri se jvarjaw skont il-livell ta’ riskju tal-pajjiż jew tar-reġjun tal-produzzjoni, b’“diliġenza dovuta simplifikata” għal pajjiżi jew reġjuni b’risjku baxx u rekwiżiti ta’ skrutinju msaħħa għall-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi b’riskju għoli.

2.9.

Ir-Regolament jinkludi obbligi għall-Istati Membri sabiex jiżguraw kontrolli effettivi tal-komoditajiet u tal-prodotti permezz tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjan li jieħu approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Bl-istess mod, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jwettqu kontrolli fuq l-operaturi. L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat u riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom.

2.10.

L-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tipprovdi perspettiva tas-soċjetà ċivili dwar ir-Regolament.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament. Parti kbira mid-deforestazzjoni globali hija assoċjata mal-espansjoni tal-art agrikola u d-domanda għal komoditajiet bħal-laħam taċ-ċanga, l-injam, iż-żejt tal-palm u s-sojja. L-UE hija konsumatur ewlieni ta’ dawn il-prodotti, li wħud minnhom huma prodotti b’mod mhux sostenibbli, li jikkawża d-deforestazzjoni. Għalhekk, l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija f’waqtha u rilevanti ħafna.

3.2.

Il-Kumitat jistenna li regolament tal-UE jibgħat sinjal qawwi lis-suq u jipprovdi inċentiv b’saħħtu għall-ktajjen ta’ provvista fejn l-UE hija akkwirent internazzjonali ewlieni biex tittrasforma u tiddokumenta l-produzzjoni mingħajr deforestazzjoni. Barra minn hekk, ir-regoli komuni tal-UE se joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE.

3.3.

Għal xi komoditajiet, l-Ewropa għadha ’l bogħod milli tkun l-akbar importatur u għandha inqas ingranaġġ biex tinfluwenza l-organizzazzjoni u l-loġistika tal-ktajjen tal-provvista fil-pajjiżi produtturi. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn kumpaniji żgħar u dawk kbar f’termini ta’ deforestazzjoni. L-influwenza tal-kumpaniji l-kbar fil-katina ta’ provvista hija enormi.

Il-kooperazzjoni politika u l-allinjament dwar inizjattivi orjentati fuq id-domanda li huma mingħajr deforestazzjoni ma’ pajjiżi importaturi ewlenin oħra għandhom ikunu prijorità ewlenija. Il-COP27 li jmiss tista’ tkun opportunità sabiex jiġi konkluż ftehim politiku.

3.4.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi hija saħansitra aktar importanti, sabiex jiġu appoġġjati fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni. It-tnaqqis tal-faqar, l-offerta u t-tisħiħ ta’ opportunitajiet biex ikun hemm aċċess għal għajxien deċenti u dinjituż, inklużi impjiegi ta’ kwalità tajba u investiment fl-iżvilupp taż-żoni rurali se jkollhom impatt dirett fuq id-deforestazzjoni. It-tnaqqis tad-deforestazzjoni għandu jqis l-importanza kulturali tal-foresta speċjalment għall-komunitajiet rurali u tal-foresti. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-injam, l-UE għandha tfittex li tgħin fl-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

3.5.

Parti mid-deforestazzjoni f’ċerti pajjiżi hija kkawżata mill-bdiewa u mill-komunitajiet rurali li jiddependu mill-użu tal-injam għall-fjuwil u għat-tisħin, jew li qed ineħħu xi rqajja’ żgħar ta’ art għall-biedja u r-ragħa. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tad-deforestazzjoni hija kkawżata mill-konverżjoni tal-foresti f’operazzjonijiet agrikoli kummerċjali. Ir-Regolament propost ma japplikax għal każijiet ta’ komunitajiet lokali li jneħħu l-foresti li huma proprjetà tagħhom jew li jokkupaw biex jappoġġjaw l-għajxien tagħhom stess jekk dan ma jirriżultax fi prodotti mkabbra fuq dik l-art li jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ appoġġ, inklużi l-appoġġ finanzjarju u l-kooperazzjoni li jinvolvu lil dawn il-gruppi, se jkunu importanti wkoll biex id-deforestazzjoni titnaqqas saħansitra iżjed. Il-KESE jqis li l-ispiża ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi trasferita lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira – irrispettivament minn jekk il-prodotti agrikoli tagħhom jiġux esportati jew le – li bilkemm jaqilgħu dħul għall-għajxien.

3.6.

L-eliminazzjoni – b’mod partikolari prattiki fuq skala kbira jew il-prattiki ta’ għadd kbir ta’ operaturi żgħar u ta’ daqs medju fejn il-foresta titqaċċat għall-agrikoltura kummerċjali jew għal skopijiet industrijali oħra (bħall-estrazzjoni minerarja, l-isfruttament tar-riżorsi naturali jew infrastruttura relatata) għandha tkun prijorità. Huwa importanti li jkun hemm sensibilizzazzjoni fl-UE u fil-pajjiżi produtturi dwar ir-rwol u l-importanza tal-foresti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u s-sekwestru tal-karbonju: għandu jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju tal-UE għal dan. Huma meħtieġa t-trasferiment tal-aħjar prattiki, il-bini ta’ pontijiet tematiċi u punti uniċi ta’ servizz (one-stop shops) fuq il-pjattaformi online madwar id-dinja. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati huma kruċjali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fit-tul. Il-programmi ta’ appoġġ tekniku li jgħinu biex tiżdied il-produttività għandhom jitqiesu bħala alternattiva għat-teħid ta’ aktar art għall-agrikoltura.

3.7.

Il-KESE jitlob mekkaniżmu ta’ rispons urġenti sabiex jappoġġja lin-nies u lis-soċjetà ċivili li qed jipproteġu l-foresti fl-UE u lil hinn minnha. Il-protezzjoni tal-foresti u tal-ambjent, l-uqigħ tal-art u l-ħabitats huma riskji għoljin għall-komunitajiet lokali u indiġeni, fejn in-nies qed jinqatlu għall-protezzjoni u d-difiża tagħhom, kemm barra mill-UE kif ukoll f’xi Stati Membri tal-UE.

3.8.

Il-maġġoranza l-kbira tal-bdiewa u tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, ma jinvolvux ruħhom fi prattiki illegali jew f’deforestazzjoni, u numru dejjem akbar ta’ bdiewa u ta’ bdiewa b’azjenda agrikola żgħira huma involuti ma’ kontropartijiet lokali, Ewropej u internazzjonali fid-dokumentazzjoni ta’ prattiki responsabbli skont skemi ta’ ċertifikazzjoni jew inizjattivi tal-pajsaġġ.

Dawn in-nies ma għandhomx jitħallew jibqgħu lura. L-Ewropa jeħtiġilha tinvolvi ruħha mal-pajjiżi produtturi u toffri l-kooperazzjoni tagħha fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti proposti tat-traċċabbiltà tal-katina tal-provvista u tiżviluppa sistemi nazzjonali ta’ traċċabbiltà tal-komoditajiet fejn bħalissa dawn huma neqsin. Il-pajjiżi produtturi għandhom jingħataw iż-żmien meħtieġ sabiex jadattaw.

3.9.

Ir-Regolament propost ma għandux iwassal biss għal ktajjen tal-provvista tal-UE “ekoloġiċi” filwaqt li l-fatturi sottostanti tad-deforestazzjoni ma jiġux indirizzati. Konsegwenza potenzjali tal-leġiżlazzjoni proposta hija li xi operaturi Ewropej jistgħu jagħżlu li jakkwistaw il-prodotti/il-komoditajiet tagħhom minn pajjiżi “aktar sikuri” (fejn possibbli) biex jevitaw riskji ta’ deforestazzjoni jew ta’ illegalità. Jekk isir dan, id-daqs tal-kummerċ tal-UE f’komoditajiet b’riskju għall-foresti f’pajjiżi partikolarment riskjużi jista’ jonqos, u potenzjalment inaqqas l-opportunità li l-UE tinfluwenza l-governanza tal-foresti f’dawk il-pajjiżi. L-Ewropa għandha tevita li titlef l-opportunità tagħha li tgħin fit-trasformazzjoni lejn xejriet ta’ produzzjoni aktar sostenibbli fl-oqsma fejn jinħass l-aktar jekk l-akkwirenti għas-suq Ewropew jevitaw għalkollox żoni b’riskju ta’ deforestazzjoni mhux negliġibbli.

3.10.

L-obbligi tar-Regolament għandhom ikomplu jestendu għas-settur finanzjarju. Dan sabiex jiġi żgurat li s-servizzi finanzjarji u l-investimenti assoċjati mal-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċ jew it-tqegħid fis-suq ta’ komoditajiet u prodotti rilevanti ma jkunux marbuta mad-deforestazzjoni, mad-degradazzjoni tal-foresti, jew mal-ksur tal-liġijiet nazzjonali u tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

3.11.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-politika agrikola komuni u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-produzzjoni agrikola fl-UE fil-futur (1). Madankollu, l-ekoloġizzazzjoni tal-Ewropa ma għandhiex twassal għall-esternalizzazzjoni tal-impatt ambjentali tal-produzzjoni. L-Ewropa jeħtiġilha tinvesti fil-produzzjoni agrikola li tista’ tkompli bl-istess rata jew tiżdied, filwaqt li fl-istess ħin issir aktar ekoloġika u aktar sostenibbli. Il-qasam mhux produttivi tal-PAK 2023 se jżid il-ħtiġijiet tal-produzzjoni fid-dinja u jżid ir-riskju ta’ deforestazzjoni.

3.12.

L-Ewropa għandha nuqqas strutturali ta’ proteini, li bħalissa huwa kopert minn għalf importat b’livell għoli ta’ proteini, li xi wħud minnu ġej minn reġjuni b’riskju ta’ deforestazzjoni.

Popolazzjoni dinjija li qed tikber u klassi medja globali li qed tiżdied ifissru domanda globali saħansitra ogħla. L-Ewropa jeħtiġilha żżid mhux biss il-grad tagħha ta’ awtosuffiċjenza fil-proteini tal-pjanti u fil-proteini għall-għalf, iżda għandha tinvesti wkoll f’teknoloġiji li se jippermettulna nipproduċu iżjed proteina mingħajr ma nieħdu aktar art għall-produzzjoni.

L-UE għandha tiżviluppa strateġija ddedikata – possibbilment marbuta ma’ Orizzont Ewropa u mal-Fond għall-Innovazzjoni tal-UE – biex iżżid il-produzzjoni u tagħmel sorsi alternattivi ġodda ta’ proteini kummerċjabbli. Dan jista’ jinkludi l-bijoraffinar ta’ ħxejjex perenni u l-produzzjoni fuq skala kbira ta’ proteini minn mikroalgi mitmugħa bil-metan.

3.13.

Is-settur tal-biedja fl-Ewropa qed jiffaċċja prezzijiet tal-input li qed jiżdiedu b’mod rapidu, li x’aktarx iwasslu għal prezzijiet ogħla tal-ikel. Dan minbarra l-prezzijiet tal-enerġija li bħalissa huma għoljin u li qed jaffettwaw il-baġits taċ-ċittadini Ewropej. Għandha tingħata attenzjoni fl-għażla tal-miżuri u ż-żmien tal-implimentazzjoni tar-Regolament sabiex il-ktajjen ta’ provvista jingħataw iż-żmien biex jadattaw sabiex jiġu evitati żidiet qawwija fil-prezzijiet.

3.14.

Id-domanda għal prodotti ta’ riskju għall-foresti hija mistennija li tiżdied hekk kif il-popolazzjoni globali u l-klassi medja globali jikbru. Il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati dwar l-importanza ta’ xejriet ta’ konsum sostenibbli, b’saħħithom u bbilanċjati, kif indikat fl-Opinjoni NAT/755 (2).

3.15.

Ir-Regolament għandu jkun konsistenti mal-ftehimiet li l-UE għandha mal-imsieħba kummerċjali tagħha. Billi hija kemm l-importatur ewlieni, iżda wkoll l-akbar esportatur, l-UE għandha interess qawwi f’sistema ta’ kummerċ internazzjonali ġusta, sostenibbli u li tiffunzjona tajjeb. Għal raġunijiet ekonomiċi amministrattivi, il-konformità mar-rekwiżiti għall-prodotti koperti minn dan ir-Regolament għandha tiġi vverifikata meta tiġi introdotta fl-UE. Ladarba l-prodotti jkunu ġew awtorizzati, dawn għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fl-UE mingħajr il-ħtieġa ta’ kontrolli addizzjonali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Ekosistemi oħra bħal savani, artijiet mistagħdra, torbiera, mangrovji jew riparian buffers għandhom valur ta’ konservazzjoni għoli, u ħafna jinsabu f’riskju ta’ degradazzjoni. Dawn iż-żoni ta’ konservazzjoni ta’ valur għoli għandhom jiġu inklużi fir-Regolament. L-UE u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw is-salvagwardja tal-foresti primarji billi jinkluduhom fil-protezzjoni tal-Unesco.

4.2.

Ċerti komoditajiet importanti ta’ riskju għall-foresti bħall-qamħirrum, iz-zokkor, u l-gomma huma neqsin mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Il-lista ta’ prodotti derivati hija limitata għal ftit biss, li jnaqqas l-impatt tar-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tiegħu, il-prodotti kollha relatati mad-deforestazzjoni, mad-degradazzjoni tal-foresti u mat-telf ta’ żoni ta’ konservazzjoni ta’ valur għoli jridu jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gomma, il-qamħirrum, il-banana, il-kannamiela, u kull laħam mill-annimali li jiġu mitmugħa s-sojja (bħall-majjal u t-tjur tat-trobbija). Il-KESE jappella bil-qawwa għal inventarju tal-massa tal-injam fil-livell tal-UE. Din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta fil-futur qarib. Id-definizzjonijiet ewlenin f’dan ir-Regolament (eż. “mingħajr deforestazzjoni” jew “degradazzjoni tal-foresti”) għandhom ikunu konformi mad-definizzjonijiet tal-FAO. Definizzjonijiet adattati jew definizzjonijiet li huma bbażati biss parzjalment fuq id-definizzjonijiet tal-FAO, joħolqu biss lok għal interpretazzjoni differenti u għalhekk jistgħu joħolqu inċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi.

4.3.

L-infurzar tar-Regolament se jkun f’idejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni proposta għalhekk tiddependi fuq il-prijorità li tingħata u l-kapaċità operazzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi f’kull Stat Membru. L-iżgurar li l-fondi meħtieġa jkunu ddedikati, u li s-sistemi jkunu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha għandhom ikunu ta’ prijorità għolja. Investimenti ddedikati fl-infrastruttura tal-IT, fir-riżorsi umani u f’kapaċità operazzjonali akbar għall-awtoritajiet pubbliċi f’kull Stat Membru għal monitoraġġ effettiv u adegwat, parametri referenzjarji u valutazzjoni tar-riskju, huma importanti. F’dan ir-rigward għandha tintuża l-intelliġenza artifiċjali. Sistema ta’ monitoraġġ trasparenti (inklużi pubblikazzjonijiet tar-rapporti dwar id-diliġenza dovuta f’forma li ma tikkompromettix informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali) – għandha tiġi implimentata mill-entitajiet li għalihom japplika r-regolament. Id-data tal-għeluq trid tkun data fil-passat biex jiġi evitat li tiġi mħeġġa aktar deforestazzjoni.

4.4.

Ir-Regolament jiffoka fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti marbuta mal-produzzjoni u l-konsum fl-Ewropa ta’ għażla ta’ komoditajiet u prodotti. Madankollu, huwa jonqos milli jindirizza kwistjonijiet oħra soċjali u ambjentali importanti ħafna li huma assoċjati mal-produzzjoni tal-prodotti koperti. B’mod partikolari, l-approċċ magħżul għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiddependi esklużivament fuq il-liġijiet applikabbli taħt l-oqfsa legali nazzjonali. Dan iħalli lakuni kbar f’termini tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-art tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u ta’ standards internazzjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tissupplimenta l-proposta tagħha b’linji gwida għat-twettiq ta’ diliġenza dovuta u ta’ valutazzjonijiet tar-riskju dwar il-ktajjen tal-provvista f’kull settur tal-komoditajiet. Il-linji gwida għandhom jinkludu sorsi potenzjali ta’ informazzjoni li l-operaturi responsabbli rilevanti jistgħu jikkonsultaw, bħal skemi ta’ ċertifikazzjoni li jissodisfaw ċerti standards minimi. L-għan għandu jkun li tiġi stabbilita skema koerenti għal ktajjen ta’ provvista responsabbli u mingħajr deforestazzjoni, li tibni fuq xi wħud mill-ħidmiet importanti li saru f’numru ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti.

4.5.

Mhux aktar tard minn ħames snin wara li r-Regolament jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-bdiewa, b’mod partikolari fuq il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, fuq il-popli indiġeni u fuq il-komunitajiet lokali u l-ħtieġa possibbli għal appoġġ addizzjonali. Il-proposta tipprevedi wkoll evalwazzjoni tal-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ għodod addizzjonali għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ biex jappoġġjaw il-kisba tal-objettivi tar-Regolament permezz tar-rikonoxximent ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni.

Madankollu, il-Kumitat iqis li r-rwol taċ-ċertifikazzjoni u l-impatt fuq il-bdiewa, inklużi l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u l-komunitajiet lokali, huma essenzjali għall-funzjonament u l-impatt tar-Regolament propost, kemm dawk maħsuba kif ukoll dawk mhux intenzjonati. Huma għandhom ikunu koperti minn valutazzjonijiet ex ante u l-konklużjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-valutazzjonijiet għandhom jiġu integrati fir-Regolament qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.6.

L-eżenzjonijiet tal-SMEs u d-diliġenza dovuta semplifikata skont is-sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-pajjiżi ma għandhomx joħolqu lakuni li jistgħu jagħmlu r-Regolament ineffettiv. Fl-istess ħin, ir-Regolament ma għandux joħloq piżijiet u spejjeż amministrattivi bla bżonn. Aġenzija ta’ klassifikazzjoni pubblika tal-UE (3) tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fil-kuntest tan-negozju tista’ tgħin lill-SMEs iwettqu l-obbligi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa jekk id-dispożizzjonijiet proposti dwar il-ġeolokalizzazzjoni għal irqajja’ individwali u l-oneru tal-provi f’pajjiżi b’riskju baxx, humiex proporzjonali jew meħtieġa. Xi rekwiżiti mhux biss iwasslu għal kunflitti fl-UE fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà vis-à-vis l-Istati Membri, iżda fuq kollox jimponu wkoll piż sproporzjonat fuq il-produtturi ż-żgħar li jkopru sehem sinifikanti mill-provvista fl-UE. Għall-finijiet tat-trasparenza, il-kriterji eżatti tal-klassifikazzjoni jridu jiġu ppubblikati. Is-sidien ta’ foresti żgħar ġewwa u barra l-UE jeħtieġ li jiġu appoġġjati biex itejbu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, jaċċessaw finanzjament sostenibbli u joffru prodotti tal-foresta sostenibbli.

4.7.

L-Artikoli 22 u 24 jinkludu dispożizzjonijiet għall-irtirar mis-suq u l-qerda possibbli ta’ komoditajiet jew prodotti li ma jikkonformawx mar-Regolament. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan ikun f’kunflitt ma’ prinċipji u għanijiet importanti oħra tal-politika tal-UE, inkluż dwar il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid dawn id-dispożizzjonijiet biex tevita l-qerda ta’ riżorsi siewja. Skont l-abbozz ta’ Regolament (Artikolu 3) injam li jkun ġej minn deforestazzjoni (awtorizzata) sabiex tinħoloq art agrikola m’għandux jitqiegħed fis-suq. Jeħtieġ li jiġi ċċarat, li din il-projbizzjoni ma tapplikax awtomatikament għall-injam li jkun ġej minn ċerti prattiki ta’ deforestazzjoni awtorizzati, li jissodisfaw imperattiv soċjali ta’ tibdil fl-użu tal-art. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet magħrufa mil-leġiżlazzjoni dwar il-foresti ta’ ħafna Stati Membri, fejn il-konverżjoni hija permessa f’ċirkostanzi eċċezzjonali bbażati fuq kriterji bħar-rati tal-forestazzjoni, il-ġestjoni tal-foresti u l-kumpens permezz ta’ tħawwil ġdid.

4.8.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ approċċ komuni mill-Istati Membri bbażat fuq gwida tal-UE dwar penali finanzjarji jew mhux finanzjarji, flimkien mal-pieni kriminali ta’ ksur l-aktar serju tal-liġi. Għandhom jiġu stabbiliti u promossi wkoll kriterji trasparenti għad-determinazzjoni tal-pieni. Minbarra l-multi u l-penali amministrattivi, ir-Regolament għandu jipprevedi li l-operaturi jistgħu jinżammu responsabbli skont il-liġi nazzjonali għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

4.9.

Il-kunċett ta’ legalità msemmi fil-materjal tal-Kummissjoni huwa dgħajjef wisq biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ strumenti aktar b’saħħithom f’din il-leġiżlazzjoni, bħar-responsabbiltà ċivili u l-assigurazzjoni. L-importazzjonijiet tal-UE għandhom jinkludu kriterji ta’ verifika dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u t-trattament ġust tal-ħaddiema. Id-drittijiet tal-ħaddiema, is-saħħa u s-sikurezza, il-ġeneru, il-prevedibbiltà tal-karriera, l-aċċess għal sistema tal-pensjoni ġusta u impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema fl-industrija tal-injam u fil-komunitajiet tal-foresti, u popli indiġeni, jeħtieġ li jitqiesu flimkien mal-kriterji sostenibbli tal-ġestjoni tal-foresti u d-deforestazzjoni. Il-pussess ġust tal-art u l-aċċess għall-art għandhom ikunu prijoritajiet. Id-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment għandhom ikunu parti minn proċeduri ta’ diliġenza dovuta, rekwiżiti tat-tqegħid fis-suq u kriterji ta’ valutazzjoni komparattiva, u x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal għandhom jiġu mmonitorjati bir-reqqa u eliminati. L-Artikolu 3(b) għandu, minbarra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, iqis ukoll klawżoli soċjali u kriterji tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti internazzjonalment ibbażati fuq il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO, speċjalment K169 – il-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, 1989 (Nru 169) u K184 – il-Konvenzjoni dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fl-Agrikoltura, 2001 (Nru 184), u strumenti internazzjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem (4). Dan għandu jiġi rifless ukoll fl-Artikolu 10.2 tal-proposta.

4.10.

Il-KESE jqis li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom ikollhom rwol tanġibbli fil-monitoraġġ tal-effettività tat-tnaqqis tad-deforestazzjoni. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandhom ikunu membri tal-pjattaforma ta’ diversi partijiet ikkonċernati tal-Kummissjoni tal-UE, li għandha tingħata rwol ċentrali fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Għandu jiġi pprovdut appoġġ bl-użu tad-data satellitari lill-partijiet ikkonċernati tal-pjattaforma u għandha titqies is-sjieda tad-data. Huwa meħtieġ approċċ komuni mill-Istati Membri għall-identifikazzjoni tas-saħħa u tal-istat tal-foresti.

Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC121368

(2)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE” (ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9).

(3)  Ara l-punt 1.15 tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Trattat vinkolanti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem” (ĠU C 97, 24.3.2020, p. 9).

(4)  Eż. id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari Nazzjonali.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi ta’ skart u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 u (UE) 2020/1056”

(COM(2021) 709 final — 2021/0367 (COD))

(2022/C 275/15)

Relatur:

Anastasis YIAPANIS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 22.11.2021

Kunsill, 1.12.2021

Bażi legali

Artikolu 192 u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

9.2.2022

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

160/2/0

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid, u l-Komunikazzjoni li takkumpanjaha, u jqis il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent bħala prijorità ewlenija tal-UE. Meta jkun teknikament possibbli, l-iskart prodott fl-Unjoni għandu jiġi riċiklat fl-Unjoni, b’mod ambjentalment, ekonomikament u soċjalment adatt.

1.2.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jadottaw is-sistema tal-Iskambju Elettroniku ta’ Data (EDI) mill-aktar fis possibbli, jaqblu dwar l-adozzjoni ta’ kriterji armonizzati għall-proċeduri ta’ kunsens minn qabel u jsaħħu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għall-klassifikazzjoni komuni tal-iskart. Il-fondi u l-assistenza teknika biex tiżdied il-kapaċità operazzjonali għandhom jiġu pprovduti minnufih.

1.3.

Tranżizzjoni lejn mudelli ġodda ta’ negozju li jagħtu lura lill-pjaneta aktar minn dak li jieħdu hija meħtieġa b’mod urġenti. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza u tax-xogħol iridu jiġu protetti u mmonitorjati tajjeb. Il-KESE jitlob li jsiru investimenti fit-taħriġ għall-ħaddiema permezz ta’ allokazzjoni speċifika fl-ambitu tal-FSE+.

1.4.

Il-KESE jitlob li jkun hemm opportunitajiet ta’ finanzjament imtejba biex jiġu stabbiliti u/jew immodernizzati l-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-UE u jiġu skoperti teknoloġiji innovattivi għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart. It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ riċiklaġġ fil-fruntieri tal-UE se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impronti tal-karbonju u ambjentali u jwassal għal żieda fl-impjiegi f’dan is-settur.

1.5.

Il-KESE jemmen li kalkolu armonizzat tal-garanzija finanzjarja għandu jkopri b’mod ċar ir-riskji kollha li jirriżultaw mill-vjeġġi tal-iskart, iżda ma jridx ikun ta’ piż żejjed fuq il-kumpaniji, speċjalment l-SMEs.

1.6.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal awditi minn partijiet terzi mmexxija minn awditur stabbilit jew awtorizzat mill-UE minn korpi notifikati tal-UE, bi kwalifiki rilevanti kemm fil-livell tal-faċilità kif ukoll f’dak tal-pajjiż, u jqis li l-imsieħba soċjali u l-NGOs rilevanti għandhom josservaw il-proċeduri. Għandu jissaħħaħ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, ilmenti u sanzjonijiet.

1.7.

Il-KESE jappella għal perjodu massimu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn wara li jiġi adottat ir-Regolament. Barra minn hekk, il-limitu ta’ żmien biex l-awtoritajiet kompetenti ta’ tranżitu jqajmu oġġezzjonijiet validi għal vjeġġ ippjanat għall-irkupru għandu jitnaqqas għal 10 ijiem u m’għandux ikun possibbli li ssir iktar minn oġġezzjoni waħda għall-istess vjeġġ.

1.8.

Il-Kumitat jappella għall-estensjoni tas-sistema EDI għall-vjeġġi tal-iskart kollha destinati għall-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu. Is-sistema għandha tibda topera mill-aktar fis possibbli, anki qabel l-iskadenza ta’ sentejn proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk huma meħtieġa riżorsi umani u tekniċi adegwati.

1.9.

Il-KESE jqis li l-esportazzjonijiet ta’ skart riċiklabbli ta’ kwalità għolja, u speċjalment l-esportazzjonijiet tal-iskart b’kontenut għoli ta’ materja prima kritika, huma ta’ detriment għas-sostenibbiltà tal-UE u jipperikolaw il-kompetittività globali tagħha. Huwa meħtieġ investiment fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, speċjalment fil-pajjiżi fejn jinfetħu proċeduri ta’ ksur. Għandha titwettaq valutazzjoni ta’ referenza tal-volumi tal-esportazzjoni tal-iskart sabiex jiġu identifikati l-bidliet fil-vjeġġi ta’ skart, u b’hekk l-UE tiġi protetta u jingħata appoġġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE deskritti fil-Patt Ekoloġiku u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari.

1.10.

Il-pajjiżi membri tal-OECD u l-pajjiżi mhux membri tal-OECD kollha għandhom jissodisfaw l-istess kriterji stretti fir-rigward tal-impenji ambjentali kif inhuma stabbiliti fl-UE, u għandha tiġi pprovduta prova tal-evidenza li l-pajjiżi riċeventi kollha diġà qed jimmaniġġjaw l-iskart domestiku tagħhom stess b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u simili għall-istandards tal-UE, kif ukoll b’rispett għall-konvenzjonijiet ewlenin u l-istandards tax-xogħol tal-ILO.

1.11.

Il-KESE jappoġġja l-infurzar tal-proċeduri ta’ spezzjoni u investigazzjoni u jappella għal kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u mal-Unjoni, kif ukoll għal sistema armonizzata ta’ penali li tkun effettiva u proporzjonata għall-ksur. Id-data mhux kunfidenzjali għandha ssir disponibbli pubblikament għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini.

1.12.

Il-kumpaniji tal-manifattura għandhom jingħataw inċentivi biex ifasslu l-prodotti tagħhom b’tali mod li jkunu tajbin għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. Hemm bżonn ta’ strateġiji nazzjonali u Ewropej li jinvolvu lill-imsieħba soċjali, lir-rappreżentanti tal-SMEs u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li għandhom jiġu promossi permezz ta’ pjattaformi kollaborattivi. Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (1) hija eżempju eċċellenti f’dan ir-rigward.

1.13.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-possibbiltà li jiġi stabbilit Osservatorju tas-Suq għall-materja prima sekondarja, bi rwol konsultattiv għall-Kummissjoni Ewropea, li jista’ janalizza u jirrakkomanda politiki ta’ żvilupp settorjali u modi biex jiġu eliminati l-ostakli eżistenti, u l-materja prima sekondarja ta’ valur tinżamm fl-UE.

1.14.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jitlob li titwettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa tal-implimentazzjoni tar-Regolament ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1.

Il-konsum ta’ materjali bħall-metalli, il-minerali, il-bijomassa u l-fjuwils fossili huwa mistenni li jirdoppja sal-2060 (2), li min-naħa tiegħu se jwassal b’mod naturali għal żieda ta’ 70 % fil-ġenerazzjoni annwali tal-iskart sal-2050 (3). Il-pajjiżi b’introjtu għoli huma l-akbar esportaturi tal-iskart fuq livell globali, filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-akbar importaturi (4).

2.2.

Il-kumpaniji tal-manifattura jonfqu madwar 40 % tal-ispiża totali tal-produzzjoni fuq il-materja prima. Illum, 12 % biss tar-riżorsi materjali użati fl-industrija tal-UE jiġu minn prodotti riċiklati u materjali rkuprati (5). L-akbar ostaklu għall-użu ta’ materja prima sekondarja huwa l-prezz għoli tagħha, meta mqabbla ma’ materja prima verġni.

2.3.

Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Proposta għal Regolament dwar il-vjeġġi ta’ skart u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1257/2013 (6) u (UE) 2020/1056 (7) (ir-Regolament). Dan għandu jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (8) dwar Vjeġġi ta’ Skart li daħal fis-seħħ 15-il sena ilu, wara li l-Parlament Ewropew (9) u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (10) talbu biex dan jiġi rivedut, u jibni fuq l-ambizzjonijiet imħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (11) u fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (12).

2.4.

Il-kwantitajiet dejjem akbar ta’ skart u l-iżvilupp ekonomiku wasslu għal żieda fl-esportazzjonijiet ta’ skart mill-UE lejn pajjiżi terzi, li min-naħa tagħha wasslet għal xi effetti ambjentali u tas-saħħa negattivi fil-pajjiżi tad-destinazzjoni. Ir-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita proċeduri aktar faċli u aktar rapidi għall-vjeġġi intra-UE għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, jintroduċi xi regoli ċari għall-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u t-tranżitu tal-iskart u jsaħħaħ il-qafas attwali tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjeġġi illegali.

2.5.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid u l-Komunikazzjoni li takkumpanjaha u jqis il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent bħala prijorità ewlenija tal-UE. L-UE, bħala l-mexxejja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għandha tkun tista’ tittratta l-iskart prodott fit-territorju tagħha, aktar milli tesportah lejn pajjiżi oħra. Tranżizzjoni lejn mudelli ġodda ta’ negozju li jagħtu lura lill-pjaneta aktar minn dak li jieħdu hija meħtieġa b’mod urġenti, ikkomplementata minn imġiba sostenibbli mill-partijiet ikkonċernati kollha involuti. L-investiment fl-infrastrutturi tal-immaniġġjar tal-iskart li huma favur l-ambjent għandu jibqa’ prijorità, speċjalment fil-pajjiżi fejn jinfetħu proċeduri ta’ ksur.

2.6.

Mil-lat ekonomiku, l-iskart jista’ jkollu valur importanti f’termini tal-irkupru ta’ materja prima sekondarja, li jikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari tal-UE, inaqqas id-dipendenza minn ċerta materja prima primarja, u jnaqqas il-konsum tal-enerġija meħtieġ għall-produzzjoni tal-materja prima primarja fl-Ewropa u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-esportazzjonijiet ta’ skart riċiklabbli ta’ kwalità għolja, u speċjalment l-esportazzjonijiet tal-iskart b’kontenut għoli ta’ materja prima kritika, huma ta’ detriment għas-sostenibbiltà tal-UE u jipperikolaw il-kompetittività globali tagħha billi jipprovdu riżorsi siewja lil kompetituri esterni.

3.   Vjeġġi ta’ skart fi ħdan l-UE

3.1.

Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mwettqa mill-Kummissjoni żvelat il-ħtieġa:

tad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ notifika;

ta’ aġġornament tas-sistema rapida;

ta’ regoli komuni u trasparenti għall-klassifikazzjoni tal-iskart u l-kalkolu tal-garanziji finanzjarji;

ta’ allinjament mal-prinċipju tal-prossimità u l-ġerarkija tal-iskart.

3.2.

Implimentazzjoni frammentata tar-Regolament tal-2006 madwar l-UE wasslet għal proċeduri twal għal vjeġġi ta’ skart intra-UE u għal burokrazija kontinwa. Dan qed jikkawża dewmien u telf finanzjarju għall-operaturi ekonomiċi, li huma skoraġġuti milli jibagħtu l-iskart għall-irkupru materjali fl-UE.

3.3.

Il-KESE jqis li, meta jkun teknikament possibbli, l-iskart prodott fl-Unjoni għandu jiġi riċiklat fl-Unjoni, b’mod ambjentalment, ekonomikament u soċjalment adatt, filwaqt li dejjem jiġu rrispettati l-istandards ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza. Volum akbar ta’ skart li jintbagħat internament u proċeduri aktar rapidi se jwasslu għal titjib fl-ekonomija ċirkolari fl-Unjoni, jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE u joħolqu l-bażi għal impjiegi ġodda.

3.4.

It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ riċiklaġġ fil-fruntieri tal-UE huwa tal-akbar importanza u se jgħin biex jitnaqqsu l-impronti tal-karbonju u ambjentali. Dan jista’ jwassal ukoll għal żieda fl-impjiegi f’dan is-settur; iċ-ċifri previsti mill-Kummissjoni Ewropea li se jinħolqu bejn 9 000 u 23 000 impjieg ġdid fis-setturi tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid huma promettenti, u jistgħu jkunu saħansitra ogħla jekk tingħata l-ispinta adegwata għall-kapaċità tar-riċiklaġġ.

3.5.

Il-Kumitat iqis li huwa kompletament inaċċettabbli li xi Stati Membri għadhom jiddependu minn proċeduri bbażati fuq dokumenti stampati u li, xi drabi, anke reġjuni mill-istess Stat Membru għandhom interpretazzjonijiet differenti tal-proċeduri ta’ infurzar. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jilqgħu kemm jista’ jkun malajr is-soluzzjonijiet diġitali proposti mill-Kummissjoni Ewropea u jiżguraw trasferiment bla xkiel għal qafas Ewropew armonizzat u trasparenti, jaqblu dwar l-adozzjoni ta’ kriterji armonizzati għall-proċeduri ta’ kunsens minn qabel u jsaħħu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għall-klassifikazzjoni komuni tal-iskart. Il-fondi u l-assistenza teknika biex tiżdied il-kapaċità operazzjonali għandhom jiġu pprovduti minnufih.

3.6.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tarmonizza l-proċedura ta’ kalkolu għall-garanzija finanzjarja tal-vjeġġi ta’ skart. Il-KESE jilqa’ l-fatt li dan se jwassal għal prevedibbiltà akbar għan-negozji, iżda jitlob kalkolu proporzjonat ta’ dawn l-ammonti b’tali mod li ma jkunx jirrappreżenta piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi. Il-KESE jemmen li l-garanzija finanzjarja għandha tkopri b’mod ċar ir-riskji kollha li jirriżultaw mill-vjeġġi tal-iskart, iżda ma tridx tpoġġi piż żejjed fuq il-kumpaniji, speċjalment peress li hemm ħafna SMEs involuti fil-proċess, b’likwidità limitata disponibbli.

3.7.

Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob opportunitajiet ta’ finanzjament imtejba mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri biex jiġu stabbiliti u/jew modernizzati l-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-UE u jiġu skoperti teknoloġiji innovattivi għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart. Is-swieq finali għall-materja prima mir-riċiklaġġ għandhom jiġu żviluppati mingħajr dewmien sabiex jinħoloq suq tal-materja prima sekondarja li jiffunzjona bis-sħiħ, u b’hekk il-prodotti li ma għadhomx jintużaw jiġu ttrasformati f’materja prima ġdida għall-produzzjoni. L-UE għandha żżid ukoll id-disponibbiltà u ttejjeb il-kwalità tal-materjali riċiklati, u tagħmel enfasi fuq il-kapaċità ta’ materjal li jżomm il-proprjetajiet inerenti tiegħu wara r-riċiklaġġ, u l-kapaċità tiegħu li jissostitwixxi materja prima ewlenija f’applikazzjonijiet futuri. Dan għandu jwassal għal żieda fil-kapaċità tal-ipproċessar fl-Unjoni, għal impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja u ekoloġiċi, u għall-opportunità li jiġi identifikat it-tip ta’ materja prima li tiġġenera skart mingħajr valur, u li din tiġi eliminata jew issostitwita fit-tul.

4.   L-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-vjeġġi ta’ skart fi tranżitu

4.1.

F’dawn l-aħħar 17-il sena, il-volum ta’ skart esportat lejn pajjiżi terzi żdied b’75 % għal madwar 33 miljun tunnellata fis-sena (13), ħafna drabi bi ftit jew bl-ebda kunsiderazzjoni ta’ kif il-faċilitajiet fil-pajjiż tad-destinazzjoni jiffunzjonaw u jittrattaw l-iskart. L-UE timporta 16-il miljun tunnellata ta’ skart fis-sena u tiskambja fi ħdanha 70 miljun tunnellata oħra ta’ skart.

4.2.

L-UE hija parti minn aktar minn 80 ftehim ta’ kummerċ ħieles, u madwar 40 minnhom għadhom pendenti jew qed jiġu nnegozjati. Il-KESE jqis li huwa tassew inadegwat li tnejn biss minnhom isemmu b’mod espliċitu l-ekonomija ċirkolari (14) u jappella għal enfasi estiża fuq it-tisħiħ tal-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles eżistenti u futuri kollha u fuq li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

4.3.

Ir-restrizzjonijiet kummerċjali relattivament reċenti fir-rigward tal-iskart tal-plastik imposti miċ-Ċina, mill-Indja, mit-Tajlandja, mill-Vjetnam u mill-Malasja xeħtu dawl fuq id-dipendenza żejda tal-UE mit-trattament tal-iskart f’pajjiż barrani. Id-dipendenza inaċċettabbli mill-esportazzjonijiet tal-iskart tagħmel lill-ekonomija tal-UE vulnerabbli għal tfixkil fil-ktajjen tal-provvista.

4.4.

L-esportazzjonijiet tal-iskart għandhom jirrispettaw ir-regoli ta’ trasparenza sħiħa u jipprovdu informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar l-istandards ta’ ġestjoni ambjentalment sodi fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal awditi minn partijiet terzi dwar faċilitajiet esterni tal-iskart u jqis li dawn għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-impronta ambjentali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għall-oġġetti mibgħuta għall-użu mill-ġdid, għandu jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u t-tariffi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur għandhom isegwu l-prodott, peress li dawn ikunu tħallsu mill-konsumaturi biex ikopru l-istadju tal-iskart, indipendentement minn fejn iseħħ. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali u l-NGOs rilevanti għandhom ikunu parti mill-proċeduri tal-awditjar filwaqt li l-infrastrutturi tad-data miftuħa jridu jiġu ffinanzjati u jsiru disponibbli. Il-mekkaniżmi tal-ilmenti għandhom jissaħħu għall-NGOs u partijiet interessati rilevanti oħra.

4.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-awditur stabbilit jew awtorizzat tal-UE (minn korpi notifikati tal-UE, bi kwalifiki rilevanti) biex iwettaq proċeduri tal-awditjar fil-livell tal-faċilità u tal-pajjiż biex jiżgura li l-istandards tas-saħħa tal-bniedem, ambjentali u soċjali tal-pajjiż tal-UE jiġu ssodisfati fil-pajjiż tad-destinazzjoni tal-iskart. Jeħtieġ li jiġu deskritti proċeduri tal-awditjar aktar dettaljati kif ukoll kriterji ta’ monitoraġġ, ilmenti u sanzjonijiet. Jeħtieġ ukoll li jiġu deskritti l-inputs (ibbażati fuq il-volum u bbażati fuq ir-riskju) li jistgħu jiskattaw l-awditi.

4.6.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-SMEs iwettqu proċeduri tal-awditjar għall-faċilitajiet f’pajjiżi terzi permezz ta’ organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, peress li dan għandu jnaqqas il-piż finanzjarju għal tali operazzjonijiet. Il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza u tax-xogħol iridu jiġu protetti u mmonitorjati tajjeb. L-investimenti fit-taħriġ u fl-għarfien għall-ħaddiema għandhom ikunu koperti minn allokazzjoni speċifika fl-ambitu tal-FSE+.

4.7.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi jeħtieġu xi żmien ta’ aġġustament biex japplikaw u jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. Madankollu, il-KESE jqis li l-iskadenza proposta ta’ 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament mhijiex ambizzjuża biżżejjed u jixtieq jappella għal perjodu massimu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn.

4.8.

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet limitu ta’ żmien ta’ 30 jum għall-awtoritajiet kompetenti ta’ tranżitu biex iqajmu oġġezzjonijiet validi għal vjeġġ ippjanat għall-irkupru. Il-KESE jqis li l-iskadenza għandha titnaqqas għal 10 ijiem sabiex tiġi żgurata l-operabbiltà u jiġi evitat dewmien bla bżonn. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal restrizzjoni ċara fuq dawn l-awtoritajiet biex ma jitħallewx joġġezzjonaw għall-istess vjeġġ aktar minn darba.

4.9.

Il-Kumitat jappella għall-estensjoni tas-sistema EDI għall-vjeġġi tal-iskart kollha destinati għall-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu. Dan huwa l-uniku mod kif jiġu żgurati t-traċċabbiltà u t-trasparenza ta’ dawn il-proċessi, b’tali mod li jsegwu l-istess regoli bħal dawk għall-vjeġġi interni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu din is-sistema mill-aktar fis possibbli, anki qabel l-iskadenza proposta ta’ sentejn. Għal dan il-għan, il-KESE jitlob riżorsi umani u tekniċi adegwati.

4.10.

Il-fatt li ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni jistgħu jiġu eżentati milli juru sa liema punt jissodisfaw il-kundizzjonijiet ewlenin tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, sempliċiment minħabba li huma membri tal-OECD, imur kontra l-ispirtu tar-riforma u jista’ jipperikola s-sistema kollha. Il-KESE jitlob li, għal finijiet ta’ esportazzjoni tal-iskart, il-pajjiżi membri tal-OECD u l-pajjiżi mhux membri tal-OECD għandhom jissodisfaw l-istess kriterji stretti fir-rigward tal-impenji ambjentali kif inhuma stabbiliti fl-UE. Barra minn hekk, il-KESE jitlob prova ta’ evidenza li l-pajjiżi riċeventi kollha diġà qed jimmaniġġjaw l-iskart domestiku tagħhom stess b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li huwa simili għall-prattiki fl-UE, u b’rispett għall-konvenzjonijiet ewlenin u l-istandards tax-xogħol tal-ILO.

5.   Traffikar illegali ta’ skart

5.1.

Il-proċeduri differenti tal-infurzar tar-Regolament tal-2006 fl-Istati Membri wasslu għal żieda fil-vjeġġ illegali ta’ skart. Iċ-ċifri huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati iżda huwa maħsub li 30 % tal-vjeġġi kollha tal-iskart fl-Ewropa huma illeċiti u jiswew madwar EUR 9,5 biljun fis-sena (15).

5.2.

Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati żvelat appoġġ qawwi għat-tisħiħ tal-proċeduri għall-ġlieda kontra l-vjeġġ illegali tal-iskart. Jinħtieġ kontroll imsaħħaħ tal-esportazzjonijiet, tal-importazzjonijiet u tat-tranżitu tal-iskart biex jiġu miġġielda l-kriminalità ambjentali u t-traffikar illegali. Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-infurzar tal-proċeduri ta’ spezzjoni u investigazzjoni u jappella għal kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u mal-Unjoni, f’konformità mal-Istrateġija l-ġdida tal-UE biex tiġi indirizzata l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (16). L-involviment tal-OLAF jista’ jagħmel tajjeb għan-nuqqas tar-riżorsi umani f’xi Stati Membri u jiżgura qafas ta’ kollaborazzjoni aktar effettiv.

5.3.

It-traffikar tal-iskart jibqa’ wieħed mill-aktar reati ambjentali serji u jitqies bħala attività bi profitt għoli u b’riskju baxx, b’konsegwenzi devastanti għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri nnotat li d-detezzjoni ta’ każijiet illegali ta’ traffikar identifikat tal-iskart għadha baxxa u li r-rata ta’ prosekuzzjoni hija anqas minn tipi oħra ta’ kriminalità, filwaqt li s-sanzjonijiet applikati mhumiex proporzjonali u dissważivi (17). Dan huwa prinċipalment minħabba li l-ktajjen tal-vjeġġi tal-iskart huma kumplessi ħafna u l-fatt li huwa diffiċli li tingħata prova li dawk involuti kienu jafu dwar l-attività illegali, speċjalment peress li l-iskart jista’ jiġi trasferit minn sid għal ieħor, u minn pajjiż għal ieħor diversi drabi qabel ma jintrema illegalment.

5.4.

Il-partijiet ikkonċernati industrijali u l-NGOs għandhom il-kapaċità li jsegwu u jirrapportaw dwar vjeġġi illegali ta’ skart possibbli, ladarba jkollhom aċċess għad-data. Għalhekk, il-KESE jitlob li ssir disponibbli data mhux kunfidenzjali għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-muniċipalitajiet u ċ-ċittadini. Il-KESE jemmen li l-ġbir komprensiv tad-data u t-titjib fit-trasparenza se jwasslu għal titjib fil-kontroll u għal tnaqqis fil-vjeġġi illegali ta’ skart.

5.5.

Madankollu, il-KESE jqis li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn it-traffikanti illegali identifikati u l-operaturi li jkunu nstabu ħatja ta’ żball uman fid-dokumentazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-Anness VII (18), kif kien il-każ fil-passat. Il-KESE jitlob li tiġi stabbilita sistema armonizzata ta’ penali li tkun effettiva u proporzjonata għall-ksur.

6.   Kummenti finali

6.1.

Għandu jkun ċar għal kulħadd issa li qed nipproduċu wisq skart, u apparti minn hekk, li hemm nuqqas ta’ riżorsi naturali ġodda. Il-KESE jappella għal qafas regolatorju li jinċentiva l-użu ta’ materjali riċiklati, li min-naħa tiegħu se jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju u jipprevjeni skart ta’ valur milli jispiċċa fil-landfills. L-użu tal-iskart bħala riżorsa huwa fil-qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u l-KESE diġà ddikjara li “sabiex l-iżvilupp ekonomiku jinfired mill-konsum tar-riżorsi naturali u mill-impatti ambjentali li jirriżultaw minnu, jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi miri aktar ambizzjużi għaliha nnifisha” (19).

6.2.

F’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, il-Kumitat jitlob li jitressqu proposti leġiżlattivi biex jinċentivaw lill-kumpaniji tal-manifattura jfasslu l-prodotti tagħhom b’tali mod li jkunu tajbin għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ u li jħaddnu l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ċirkolari. Għandhom jitfasslu strateġiji u oqfsa leġiżlattivi Ewropej u nazzjonali li jinċentivaw din it-tranżizzjoni, u li jiġġieldu l-obsolexxenza prematura tal-prodotti, bl-involviment tal-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari tfisser, minn naħa waħda, li jinżamm il-valur tal-prodotti fl-ekonomija għal perjodu itwal u, min-naħa l-oħra, li jiżdied l-użu ta’ materja prima sekondarja. Għalhekk, l-iffaċilitar tal-aċċess għal soluzzjonijiet innovattivi għat-trasformazzjoni tal-iskart f’materja prima sekondarja huwa ta’ importanza kbira u jrid jiġi promoss permezz ta’ pjattaformi online (bħall-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari) u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

6.3.

Il-KESE jqis li l-introduzzjoni tal-EDI hija kompletament meħtieġa u f’konformità mal-Istrateġija Diġitali tal-UE (20) u jappella għal implimentazzjoni rapida, peress li tista’ tnaqqas it-telf ekonomiku għall-kumpaniji, tiżgura proċeduri aktar rapidi u monitoraġġ tal-kwalità. Il-KESE jemmen ukoll li s-sistema elettronika se żżid it-trasparenza u żżid l-effiċjenza, tiżgura traċċabbiltà aħjar tad-data, tipprovdi l-qafas għal kooperazzjoni intensa bejn l-Istati Membri u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ swieq tal-iskart sodi. Huwa jissuġġerixxi wkoll li jintużaw teknoloġiji moderni għall-monitoraġġ tat-trasport (l-Internet tal-oġġetti (IoT) u s-satelliti) u t-teknoloġija blockchain għal finijiet ta’ sigurtà tad-data.

6.4.

Trid issir distinzjoni ċara bejn il-vjeġġi tal-iskart għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ u l-vjeġġi għal forom aktar baxxi ta’ rkupru, bħall-inċinerazzjoni. Huwa assolutament essenzjali li, mill-bidu nett, ikun hemm l-għodod it-tajbin biex isiru l-investigazzjonijiet u kriterji ċari li jipprojbixxu l-vjeġġi tal-iskart taħt pretesti foloz.

6.5.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-possibbiltà li jiġi stabbilit Osservatorju tas-Suq għall-materja prima sekondarja li jista’ janalizza u jirrakkomanda politiki ta’ żvilupp settorjali u modi biex jiġu eliminati l-ostakli eżistenti. L-Osservatorju għandu jinkludi l-partijiet ikkonċernati Ewropej rilevanti kollha u għandu jagħti rwol konsultattiv lill-Kummissjoni.

6.6.

Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa tal-implimentazzjoni tar-Regolament ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://circulareconomy.europa.eu/platform/en.

(2)  OECD (2018), Global Material Resources Outlook to 2060.

(3)  World Bank: A Global Snapshot of Solid Waste Management to 2050.

(4)  The Institute for European Environmental policy: EU circular economy and trade.

(5)  Eurostat – Circular Economy in the EU (L-Ekonomija Ċirkolari fl-UE) (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1.

(7)  ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33.

(8)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(9)  Parlament Ewropew: Waste Shipment Regulation Revision of Regulation (EC) No 1013/2006 on shipments of waste (Ir-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart. Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart) (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika (ĠU C 220, 9.6.2021, p.118).

(11)  COM/2019/640 final.

(12)  COM/2020/98 final.

(13)  Komunikazzjoni: L-iskart tagħna, ir-responsabbiltà tagħna.

(14)  Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Messiku u ma’ New Zealand..

(15)  Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart.

(16)  L-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025.

(17)  Rapport Analitiku Nru 4/2020: Azzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-plastik.

(18)  Anness VII – Informazzjoni li takkumpanja l-vjeġġi tal-iskart.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE: kwalità tal-arja, l-ilma u l-iskart (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 33).

(20)  L-Istrateġija Diġitali Ewropea: Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika

[COM(2021) 550 final]

(2022/C 275/16)

Relaturi:

Cillian LOHAN u Stefano MALLIA

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 13.9.2021

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

9.2.2022

Adottata fil-plenarja

24.2.2022

Sessjoni Plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

198/2/6

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima, jeħtieġ li nsegwu mudell li jwassal għal ekonomija b’saħħitha. Jekk irridu li l-UE tkun minn ta’ quddiem u tiġi segwita mill-bqija tad-dinja, għandna nimmiraw li nsawru l-mudell li jirnexxi l-aktar – wieħed li huwa ġust u sostenibbli mill-perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali. L-adozzjoni ta’ mudell li ma joħloqx tkabbir ibbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli, iwassal biex niġu iżolati miż-żona internazzjonali, u nwittu t-triq għal kompetituri globali oħra biex ikunu minn ta’ quddiem. Id-diplomazija tal-UE dwar il-klima ser ikollha rwol importanti fil-promozzjoni tal-approċċ Ewropew u fl-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-UE u l-kontinenti kompetituri.

1.2.

It-tilħiq tal-miri riveduti tal-2030, kif propost fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, se jkollu impatt mhux uniformi fuq is-setturi, ir-reġjuni, il-komunitajiet u l-individwi madwar l-Ewropa. Sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea twettaq immappjar u analiżi granulari tal-impatti li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet fil-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi differenti, inkluż fuq is-sottokuntratturi u l-ktajjen tal-valur downstream. Ma hemm l-ebda approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”, għalhekk il-miżuri favur it-tranżizzjoni se jkollhom jitfasslu apposta biex jirriflettu r-realtajiet differenti madwar l-Ewropa, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u jitqiesu l-punti ta’ tluq differenti tal-Istati Membri.

1.3.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżviluppaw proposti addizzjonali biex jimmobilizzaw investimenti pubbliċi u privati massivi fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni f’dawk is-setturi u r-reġjuni li se jkollhom bżonn trasformazzjoni radikali biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra. F’dan ir-rigward, il-KESE huwa tal-fehma qawwija li d-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandhom jiżdiedu b’mod sinifikanti biex jikkorrispondu għall-isfidi involuti.

1.4.

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jipproponu qafas ġdid ta’ governanza biex jiġu antiċipati u ġestiti l-bidliet relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika fid-dinja tax-xogħol. Dan għandu jinkoraġixxi wkoll lill-Istati Membri biex joħolqu “Kummissjonijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta” tripartitiċi biex jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali, lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali u reġjonali ta’ tranżizzjoni ġusta.

1.5.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha taħdem lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika (emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti), filwaqt li tiżgura l-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezz affordabbli għan-negozji u ċ-ċittadini. L-iżgurar tal-kompetittività Ewropea għandu jimxi id f’id mal-iżgurar li l-kompetituri tal-UE jaderixxu mal-ogħla standards ambjentali u soċjali. It-tisħiħ tal-protezzjoni kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-integrità ambjentali kif ukoll l-aċċettazzjoni soċjali tal-politika tal-UE dwar il-klima.

1.6.

Il-qafas regolatorju tal-UE jeħtieġ li jiżgura li l-aktar negozji kompetittivi fid-deċennji li ġejjin ikunu minn ta’ quddiem fil-mudelli ta’ negozju sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li r-regolamenti għandhom iwittu t-triq għall-iżvilupp u l-adozzjoni mis-suq ta’ teknoloġiji ġodda, inklużi miżuri min-naħa tad-domanda biex jinħolqu swieq ewlenin u jiġi inċentivat il-konsum ta’ prodotti b’livell baxx ta’ karbonju. Barra minn hekk, il-proposti leġiżlattivi kollha mressqa fil-qafas tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-kompetittività b’konformità mal-prinċipji tal-SDG sabiex l-implikazzjonijiet sħaħ fuq l-intrapriżi jkunu mifhuma sew.

1.7.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li għandha tingħata attenzjoni speċifika lis-setturi ekonomiċi fejn hemm parteċipazzjoni qawwija tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs). L-MSMEs għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw l-innovazzjoni fil-prodotti u s-soluzzjonijiet biex jiddekarbonizzaw l-ekonomija Ewropea.

1.8.

Hemm ħtieġa qawwija għal koerenza politika, li tirrikonoxxi n-natura interkonnessa tal-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u tal-materjal, skont l-ekonomija ċirkolari, se jikkomplementa teknoloġiji ġodda. L-istrateġiji settorjali u l-mudelli ta’ finanzjament għandhom jirriflettu l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, pereżempju billi jiżguraw li s-sidien tal-art/dawk li jiġġestixxu l-art/bdiewa jiġu kkumpensati għall-ħżin naturali tal-karbonju fil-ħamrija u li jitwaqqfu s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

1.9.

Huwa essenzjali li l-ispejjeż u l-benefiċċji jiġu kkomunikati b’mod ċar u onest, sabiex jittieħdu l-azzjonijiet estensivi u drastiċi meħtieġa biex tintlaħaq in-newtralità klimatika għall-2050. Dawn il-bidliet se jaffettwaw is-setturi u r-reġjuni kollha u l-benefiċċji jistgħu ma jinħassux immedjatament. L-iżgurar ta’ appoġġ wiesa’ se jirrikjedi livell bla preċedent ta’ fehim u impenn mill-membri kollha tas-soċjetà.

2.   Għan u struttura ta’ din l-Opinjoni

2.1.

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tipprovdi l-perspettiva ġenerali tal-KESE dwar il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” propost mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Diċembru. Hija tenfasizza l-ħtieġa li l-pakkett iwassal għal tranżizzjoni soċjalment ġusta, kompetittiva u ekoloġika. Il-KESE se jipprovdi Opinjonijiet speċifiċi għall-proposti leġiżlattivi rilevanti kollha tal-pakkett.

2.2.

Il-KESE jinsisti li l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” jeħtieġ li jkun marbut mal-Aġenda 2030 tan-NU u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li l-KESE appoġġja f’Opinjonijiet preċedenti. L-SDGs huma partikolarment utli peress li huma globali u jkopru mhux biss il-kwistjoni urġenti tal-klima indirizzata fil-pakkett tal-Kummissjoni iżda wkoll għanijiet oħra meħtieġa għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali li jridu jiġu ssodisfati biex il-pakkett jirnexxi. L-Opinjoni ta’ hawn taħt hija għalhekk ippreżentata fuq il-linji tat-tliet għanijiet ewlenin tal-SDGs tan-NU.

3.   Il-prinċipji ewlenin – Il-fehmiet speċifiċi tal-KESE dwar id-dokument tal-Kummissjoni

Tranżizzjoni soċjalment ġusta

3.1.

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-KESE ppropona “narrattiva ġdida għall-Ewropa li torbot il-passat imbiegħed u reċenti tal-Ewropa mal-preżent, u tipprovdi viżjoni għall-futur mibnija fuq il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-popli tal-Ewropa, u li għandha l-għeruq tagħha fil-valuri tas-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali, il-kooperazzjoni interġenerazzjonali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-prosperità sostenibbli, u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali ġusti. Huwa essenzjali li jissaħħaħ l-appoġġ pubbliku għal dawn il-valuri, sabiex il-mudelli ta’ tkabbir u governanza tagħna jiġu kkunsidrati mill-ġdid lejn is-sostenibbiltà, tinbena soċjetà aktar ugwali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitqiegħdu fiċ-ċentru ta’ din ir-rikostruzzjoni u l-irkupru” (1). Il-KESE jemmen bis-sħiħ li implimentazzjoni mfassla tajjeb tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” se tikkontribwixxi sabiex din in-narrattiva l-ġdida ssir realtà.

3.2.

Il-KESE qal ukoll li huwa meħtieġ fokus fuq irkupru ġust u sostenibbli mill-kriżi tal-COVID-19 li jwitti t-triq għal soċjetà aktar inklużiva u jibni kompetittività fit-tul, joħloq ambjent ta’ kollaborazzjoni, filwaqt li jqis bis-sħiħ il-kriżijiet soċjali, ekonomiċi, demokratiċi, demografiċi u klimatiċi interkonnessi fl-Istati Membri tal-UE, il-ħtieġa ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll il-bidliet strutturali fit-tul li qed jinħolqu mill-pandemija (2). L-għan aħħari tal-UE jrid ikun li ssaħħaħ il-mudell ekonomiku tas-suq soċjali tagħna, fejn ekonomija sostenibbli u kompetittiva u politiki soċjali żviluppati tajjeb jimxu id f’id. B’segwitu ta’ dan, il-kisba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – li l-KESE laqa’ sa mill-bidu nett tiegħu – hija t-triq ’il quddiem. Il-Patt Ekoloġiku huwa l-istrateġija l-ġdida Ewropea għat-tkabbir, bil-prosperità, is-sostenibbiltà u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tiegħu. It-twettiq ta’ tranżizzjoni ġusta għal stil ta’ ħajja newtrali għall-klima, it-trawwim ta’ impjiegi ta’ kwalità u l-promozzjoni ta’ intraprenditorija u innovazzjoni sostenibbli, inklużi l-ekonomija ċirkolari u l-ekonomija soċjali, se jkunu kruċjali għal Ewropa li tiffjorixxi (3).

3.3.

Il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” huwa pass ’il quddiem lejn ekonomija Ewropea newtrali sal-2050. Tranżizzjoni bħal din se teħtieġ rivalutazzjoni bir-reqqa tal-mod kif ngħixu, naħdmu u naġixxu. Meta wieħed iżomm f’moħħu li ma hemm l-ebda approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd, il-miżuri sabiex tiġi xprunata t-tranżizzjoni jkollhom jitfasslu apposta biex jirriflettu realtajiet differenti madwar l-Ewropa, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u jitqiesu l-punti ta’ tluq differenti tal-Istati Membri.

3.4.

It-tilħiq tal-miri riveduti tal-2030, kif propost fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, se jkollu impatt mhux uniformi fuq is-setturi, ir-reġjuni, il-komunitajiet u l-persuni individwali madwar l-Ewropa. Huwa tabilħaqq ċar li l-bidla rapida lejn ekonomija dekarbonizzata tinvolvi sfidi kbar għaċ-ċittadini, għall-ħaddiema, għall-kumpaniji u għar-reġjuni, speċjalment dawk li huma l-aktar dipendenti mis-setturi u l-industriji intensivi fil-karbonju. Ta’ min jinnota wkoll li l-Istati Membri fil-periferiji jiffaċċjaw ukoll sfidi sinifikanti fit-tranżizzjoni lil hinn mill-karbonju. Jekk dawn l-isfidi ma jiġux indirizzati biżżejjed, dan jista’ jirriżulta f’inugwaljanzi akbar u jwassal għal proċessi ta’ ristrutturar enormi, għall-qgħad u għad-deindustrijalizzazzjoni ta’ territorji, artijiet u ambjenti. Dan jista’ joħloq nuqqas ta’ aċċettazzjoni soċjali u reazzjoni politika negattiva miċ-ċittadini tal-UE kontra l-aġenda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3.5.

Sabiex dan it-tħassib jiġi indirizzat, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri ta’ politika addizzjonali li jsaħħu d-dimensjoni soċjali u tax-xogħol tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bħalissa, il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni huma fil-fatt imfassla bl-ambizzjoni li tintlaħaq il-mira klimatika sal-2030 – li hija assolutament meħtieġa – iżda ma fihomx biżżejjed miżuri sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema Ewropej u għall-familji bi dħul baxx. Sabiex tkun soċjalment aċċettabbli, l-ambizzjoni klimatika proposta fil-pakkett għandha tkun akkumpanjata minn ambizzjoni soċjali ekwivalenti, f’konformità mad-Dikjarazzjonijiet reċenti ta’ Porto magħmula mill-Kunsill tal-UE, mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u mal-Linji Gwida tal-ILO għal Tranżizzjoni Ġusta.

3.6.

B’mod aktar konkret, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-pakkett, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex:

3.6.1.

Iwettqu ppjanar u analiżi granulari tal-impatti li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet fil-pajjiżi, fir-reġjuni u fis-setturi differenti, inkluż fuq is-sottokuntratturi u l-ktajjen tal-valur downstream. Hija meħtieġa wkoll analiżi tal-impatt fuq il-finanzi pubbliċi, il-flussi tal-kummerċ u l-konsumaturi. Ippjanar granulari bħal dan jikkomplementa l-perspettiva ġenerali tal-valutazzjonijiet tal-impatt preċedenti magħmula mill-Kummissjoni, u jipprovdi l-għarfien meħtieġ sabiex jiġu żviluppati politiki tal-impjieg, soċjali u territorjali adatti.

3.6.2.

Jiżviluppaw proposti addizzjonali għall-mobilizzazzjoni ta’ investimenti pubbliċi u privati kbar fuq livelli Ewropej u nazzjonali sabiex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni f’dawk is-setturi u r-reġjuni li se jkollhom bżonn jiġu trasformati b’mod radikali sabiex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom. Meta jiġu promossi investimenti bħal dawn, wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll l-Istati Membri li għandhom ekonomiji ta’ skala mhux favorevoli, sfidi ta’ konnettività, u potenzjal baxx ta’ mitigazzjoni tal-emissjonijiet. F’dak ir-rigward, id-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandhom jiżdiedu b’mod sinifikanti sabiex jaqblu mal-isfida inkwistjoni.

3.6.3.

Jiżguraw li l-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jkun fihom strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta. Fl-aġġornament tal-2023 tal-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jidentifikaw b’mod sistematiku l-isfidi soċjali mistennija mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, kif ukoll il-miżuri u r-riżorsi dettaljati li se jkunu meħtieġa għall-ġestjoni tagħhom. Tali strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta se jkunu meħtieġa biex jakkumpanjaw lill-ħaddiema fit-tranżizzjoni tagħhom, biex jiġu żgurati taħriġ, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet adegwati, kif ukoll biex jgħinu fil-ħolqien ta’ impjiegi alternattivi ta’ kwalità tajba fl-istess reġjuni. Meta jiġu żviluppati strateġiji ta’ ħiliet u strateġiji attivi tas-suq tax-xogħol, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b’mod adatt permezz tad-djalogu soċjali u l-pjattaformi tas-soċjetà ċivili.

3.6.4.

Jipproponu qafas ġdid ta’ governanza biex jiġu antiċipati u ġestiti l-bidliet relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika fid-dinja tax-xogħol. Tali qafas għandu jiggarantixxi d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ pjani ta’ tranżizzjoni ġusta fil-postijiet tax-xogħol u r-reġjuni tagħhom. Abbażi tal-infurzar tad-drittijiet eżistenti, il-qafas għandu jsaħħaħ ukoll id-djalogu soċjali kif ukoll id-djalogu usa’ mas-soċjetà ċivili.

3.6.5.

Jiggarantixxu l-involviment adatt ta’ strutturi eżistenti ta’ djalogu soċjali Ewropew – bħas-Summit Soċjali Tripartitiku, il-Kumitati ta’ Djalogu Soċjali Settorjali jew il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet – fl-iżvilupp u fil-monitoraġġ tal-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-iżvilupp ta’ perkorsi ta’ tranżizzjoni għall-ekosistemi industrijali u l-pjani ta’ rkupru.

3.6.6.

Jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex joħolqu “Kummissjonijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta” tripartitiċi biex jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali, lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu rakkomandazzjonijiet u jinnegozjaw pjani nazzjonali u reġjonali ta’ tranżizzjoni ġusta. Il-kontribut tal-Istati Membri, tar-reġjuni, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex jiġi żgurat rispons adegwat u biex tingħata kredibbiltà lill-impenn li ħadd ma għandu jitħalla jibqa’ lura.

3.7.

Iċ-ċittadini kollha se jintlaqtu b’mod sever mill-politiki futuri dwar il-klima, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju. Huwa ċar li t-tilħiq tal-miri tal-2030 se jseħħ bi spiża, speċjalment għal dawk bl-inqas introjtu. Dawn l-ispejjeż se jkollhom jiġu spjegati kif imiss. Se jkollhom jiġu stabbiliti miżuri speċjali/soċjali sabiex jipproteġu u jappoġġjaw lill-iżjed ċittadini vulnerabbli, peress li dawn se jkunu l-aktar esposti għall-impatt ta’ spejjeż addizzjonali. Dawn il-miżuri se jkunu kruċjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni miċ-ċittadini li hija meħtieġa għal tranżizzjoni b’mod ordnat.

3.8.

Il-KESE ħejja Opinjoni separata li fiha laqa’ b’sodisfazzjon l-istabbiliment tal-Fond Soċjali għall-Klima propost sabiex jittaffew l-impatti soċjali u ekonomiċi negattivi tal-ipprezzar il-ġdid tal-karbonju u sabiex jiġu pprovduti fondi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-miżuri tagħhom li jindirizzaw l-impatt soċjali ta’ dan l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fuq unitajiet domestiċi finanzjarjament aktar dgħajfa, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport. Kif indikat fl-Opinjoni (TEN/759), il-KESE jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw is-sinerġiji tal-Fond Soċjali għall-Klima ma’ riżorsi finanzjarji disponibbli oħrajn u biex jużawh bl-aktar mod effiċjenti (4).

3.9.

Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li mekkaniżmi bbażati fuq is-suq huma kapaċi jqabbdu sew lill-Unjoni t-triq lejn bidla sostenibbli fit-tul li tiżgura l-iżvilupp ekonomiku filwaqt li tibbilanċja l-ħtiġijiet soċjali u ambjentali fiż-żmien tat-tranżizzjoni. Dawn jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn bidliet kulturali u fl-imġiba, u minn bidliet sistemiċi fil-prattiki settorjali, u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jieqfu (5).

3.10.

Il-KESE jfakkar ukoll li l-isfidi l-kbar li lkoll qed niffaċċjaw u t-tranżizzjonijiet profondi fl-ekonomija tagħna, fil-mod kif nittrattaw in-natura u l-ambjent u fil-ħajja tagħna stess, li huma meħtieġa għal dinja verament sostenibbli, se jiġu indirizzati b’suċċess biss jekk iċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tagħhom ikunu involuti b’mod attiv (6).

Tranżizzjoni kompetittiva

3.11.

Il-komunità tan-negozju tħaddan bis-sħiħ l-isfida tat-tibdil fil-klima u hija lesta li tieħu l-passi meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 %. Is-settur privat huwa lest li jagħmel il-parti tiegħu, li jinvesti ħafna fl-infrastruttura u t-teknoloġiji meħtieġa, u li joħloq impjiegi ta’ kwalità tajba. Madankollu, dan kollu jirrikjedi qafas ta’ investiment regolatorju prevedibbli. Il-proposti leġiżlattivi kollha mressqa fil-qafas tal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-kompetittività b’konformità mal-prinċipji tal-SDG sabiex l-implikazzjonijiet sħaħ fuq l-intrapriża jiġu mifhuma sew.

3.12.

Il-Patt Ekoloġiku jagħtina opportunità unika biex nibnu futur aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli, u l-intrapriżi tal-Ewropa għandhom ikunu parti integrali mis-soluzzjonijiet kollha għall-futur. L-UE għandha taħdem lejn l-objettiv tan-newtralità klimatika (emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti), filwaqt li tiżgura l-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi spiża raġonevoli għan-negozji u għaċ-ċittadini.

3.13.

L-iżgurar tal-kompetittività Ewropea għandu jimxi id f’id mal-iżgurar li l-kompetituri ġewwa kif ukoll barra l-UE jaderixxu mal-ogħla standards ambjentali u soċjali. Dan għandu jiġi rifless ukoll fil-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi. Il-qafas regolatorju jeħtieġ jiżgura li l-iżjed negozji kompetittivi fid-deċennji li ġejjin ikunu fuq quddiem nett fir-rigward ta’ mudelli kummerċjali sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-iżgurar tal-kompetittività ma għandux jiġi interpretat ħażin bħala raġuni sabiex wieħed jopera bid-denominatur komuni l-aktar baxx f’termini ta’ standards ekoloġiċi, f’suq globali. Fil-fatt, strateġija koerenti sabiex tiżdied l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju minn ġewwa l-UE lejn pajjiżi terzi hija importanti.

3.14.

Madankollu, fuq perjodu ta’ żmien qasir, it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jeħtieġu investiment kapitali enormi u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jinvolvu spejjeż operattivi finanzjarji u riskji teknoloġiċi ogħla minn dawk tradizzjonali. Dawk li jadottaw kmieni l-mudelli kummerċjali l-ġodda għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiġi żgurat li l-innovazzjoni tagħhom ma ġġibx magħha żvantaġġ kompetittiv. L-appoġġ għandu jirrispetta l-prinċipji ta’ aċċess ekwu għall-għodod ta’ finanzjament tal-SMEs u għandu jkun ibbażat biss fuq objettivi klimatiċi.

3.15.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment enormi meħtieġ fl-elettriku b’livell żero ta’ emissjonijiet tal-karbonju, hemm bżonn ta’ viżibbiltà vis-à-vis sinjali u strumenti tas-suq fit-tul. Wieħed mill-akbar ostakli għall-użu ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli huwa l-proċeduri twal u kumplessi għall-għoti ta’ permessi. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f’din id-direzzjoni.

3.16.

Id-deċiżjonijiet dwar investiment biex jintlaħqu l-miri tal-2030 se jkollhom jittieħdu fil-futur imminenti ħafna, fi żmien meta l-ekonomija Ewropea għadha qed tirkupra mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, huwa essenzjali li l-UE ssib il-bilanċ tajjeb bejn il-Patt Ekoloġiku u l-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tixpruna l-investimenti f’teknoloġija u prattiki orjentati lejn il-futur. Dawk li jfasslu l-politika tal-UE għandhom jiżguraw ukoll li l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” u n-NextGenerationEU jintużaw biex joħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità tajba u jisfruttaw il-potenzjal tal-impjieg fis-setturi strateġiċi tat-tranżizzjoni ekoloġika.

3.17.

Il-proposti leġiżlattivi jeħtieġ jiżguraw li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jinkiseb billi jitħeġġu investimenti trasformattivi fl-Ewropa. Dan isaħħaħ it-tmexxija Ewropea fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima.

3.18.

Il-politiki industrijali tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-isforz ta’ dekarbonizzazzjoni. Irridu ngħinu lill-industrija u lill-ħaddiema fit-tranżizzjoni lejn livelli baxxi ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’mod partikolari lill-hekk imsejħin “setturi diffiċli sabiex jitrażżnu” li huma esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali, bħall-industriji intensivi fl-enerġija u l-agrikoltura. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jiġu evitati b’mod effettiv ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-produzzjoni u r-riskju ta’ importazzjoni ta’ oġġetti b’użu intensiv tal-karbonju. Fin-nuqqas ta’ impenji ekwivalenti minn pajjiżi terzi, ambizzjoni klimatika ogħla tal-UE tirrikjedi protezzjoni msaħħa kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, mhux biss biex tiġi ppreservata l-kompetittività industrijali u biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni inġusta, iżda wkoll biex jiġu żgurati l-integrità ambjentali kif ukoll l-aċċettazzjoni soċjali tal-politika tal-UE dwar il-klima.

3.19.

Kif intqal qabel, għandhom jiġu żviluppati strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta – permezz ta’ djalogu soċjali – biex jiġi żgurat taħriġ mill-ġdid adegwat tal-ħaddiema f’dawk is-setturi milqutin kif ukoll tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor. Matul dan il-proċess, se jkun essenzjali li jiġu ggarantiti protezzjoni soċjali adegwata u servizzi pubbliċi li jiffunzjonaw tajjeb biex jappoġġjaw u jakkumpanjaw lill-ħaddiema fi tranżizzjoni.

3.20.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċifika lis-setturi ekonomiċi fejn hemm parteċipazzjoni qawwija tal-SMEs. L-SMEs għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw l-innovazzjoni fil-prodotti u fis-soluzzjonijiet għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea. Fl-istess ħin, huma jeħtieġu appoġġ biex jaċċessaw it-teknoloġiji għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-manifattura mill-ġdid u tad-distribuzzjoni tagħhom.

3.21.

Għalkemm l-UE hija responsabbli għal 8 % tal-emissjonijiet kollha, hija ħadet ir-riedni f’idejha, ġustament, biex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. B’dan il-mod, għandna niżguraw li l-mudell li jiġi żviluppat ikun wieħed li jirnexxi u li jippermetti li l-kumpaniji jikbru u joħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba, li s-soċjetà tirnexxi u li l-ambjent jirkupra. Mudell ta’ suċċess jiggarantixxi rwol ta’ tmexxija globali għall-UE filwaqt li mudell ta’ suċċess parzjali jfisser li jkollna nsegwu t-tmexxija ta’ oħrajn bħall-Istati Uniti jew iċ-Ċina. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha għarfien espert tekniku konsiderevoli li jippermetti lill-Ewropa tieħu t-tmexxija industrijali fl-ekonomija ekoloġika. L-azzjoni esterna tal-UE jew id-diplomazija dwar il-klima se jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ standards ambjentali għoljin fis-suq dinji.

3.22.

L-Ewropa jeħtieġ li tisfrutta l-pożizzjoni attwali tagħha fuq quddiem tal-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima billi taġixxi bħala xprun tal-innovazzjoni. Għandhom isiru sforzi u jiġu allokati riżorsi saħansitra akbar fl-appoġġ għal programmi ta’ riċerka, tal-iżvilupp u tal-iskjerament kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali, mingħajr preferenzi fi żmien bikri wisq għal dawk li jkunu fuq quddiem nett peress li l-firxa ta’ teknoloġiji u sorsi tal-enerġija għall-appoġġ tat-tranżizzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju hija wiesgħa. Għal dan l-għan, ikun jagħmel sens li tiġi analizzata s-sistema attwali tal-edukazzjoni u tal-finanzjament għar-riċerka biex jiġu proposti soluzzjonijiet li jippermettu lill-Ewropa tikkompeti b’mod aktar effettiv mal-Amerika u mal-Asja.

3.23.

L-aċċess għal sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bħall-elettriku u l-idroġenu bi prezzijiet kompetittivi globalment huwa essenzjali għat-trasformazzjoni b’suċċess tal-industrija tal-manifattura. Dan jeħtieġ qafas legali ta’ appoġġ u żvilupp f’waqtu ta’ infrastruttura adegwata.

3.24.

Kif indikat mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, il-biċċa l-kbira tat-tnaqqis globali fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030, ġejja minn teknoloġiji li huma faċilment disponibbli llum. Iżda fl-2050, kważi nofs it-tnaqqis ikollu jiġi minn teknoloġiji li bħalissa jinsabu fil-fażi ta’ dimostrazzjoni jew ta’ prototip. Fl-industrija peżanti u fit-trasport fuq distanzi twal, is-sehem tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-teknoloġiji li għadhom qegħdin jiġu żviluppati llum huwa saħansitra ogħla. Għalhekk, huwa kruċjali li r-regolamenti jwittu t-triq għall-iżvilupp u l-adozzjoni mis-suq ta’ teknoloġiji ġodda.

3.25.

Tal-inqas fil-fażi inizjali tat-tranżizzjoni, se jkunu meħtieġa wkoll miżuri min-naħa tad-domanda biex jinħolqu swieq ewlenin u jiġi inċentivat il-konsum ta’ prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, peress li normalment ikunu inqas kompetittivi minn dawk tradizzjonali.

3.26.

Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-UE jkollha l-ħaddiema bi kwalifiki għoljin li teħtieġ biex tibqa’ kompetittiva. Fl-istess ħin, il-KESE qed jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-valutazzjonijiet tal-impatt relatati mal-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” li diġà twettqu biex jiġi żgurat li jkun fihom l-aktar data reċenti u rilevanti u jipprovdu l-aktar stampa preċiża possibbli tal-impatti involuti.

Tranżizzjoni ekoloġika

3.27.

Il-kriżijiet doppji tal-klima u tal-bijodiversità għandhom jiġu indirizzati flimkien. Is-soluzzjonijiet klimatiċi li jħallu impatt negattiv fuq il-bijodiversità u l-ħabitats mhumiex aċċettabbli bħala parti minn pakkett li huwa mfassal sabiex jikseb tnaqqis fl-emissjonijiet. Il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” jeħtieġ li jkun marbut mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u jeħtieġ li jkun koerenti mal-impenji diġà miftiehma fl-Aġenda 2030 u mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

3.28.

Id-disa’ limiti planetarji (7) identifikati mix-xjenzati għandhom ikunu prinċipju ta’ gwida fil-monitoraġġ tal-impatt tal-attività tal-bniedem, tal-politiki ekonomiċi, u tal-azzjonijiet klimatiċi.

3.29.

Ir-restawr tan-natura u l-assistenza għall-irkupru urġenti tal-bijodiversità għandhom jiffurmaw parti mill-acquis leġiżlattiv biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika u jkunu fiċ-ċentru tal-leġiżlazzjoni tal-UE li hija prevista dwar ir-restawr tan-natura. Il-protezzjoni u ż-żamma tal-ħabitats eżistenti rikki fil-bijodiversità ma għandhomx jiġu injorati.

3.30.

L-użu ta’ ekosistemi naturali għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju għandu jkun akkoppjat ma’ finanzjament pubbliku adatt fil-forma ta’ sussidji, kif ukoll mudelli ġodda ta’ negozju ekoloġiku u huwa importanti li s-sid tal-art/il-maniġer/il-bidwi adatt ikun ir-riċevitur ta’ dawn il-fondi. Il-ħżin tal-karbonju, u l-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità huma beni pubbliċi. Dan il-prinċipju jeħtieġ li jiġi rifless fl-Inizjattiva li hija prevista dwar il-Biedja tal-Karbonju.

Il-pubblikazzjoni ta’ Strateġija Ġdida dwar il-Ħamrija jeħtieġ tkun segwita b’mod urġenti minn Proposta għal Direttiva dwar il-Ħamrija. Enfasi fuq il-ħamrija hija kruċjali għall-bijodiversità u għall-ħżin tal-karbonju naturali.

L-iżgurar tat-tranżizzjoni jinkiseb b’mekkaniżmi li jippromovu aċċettazzjoni u appoġġ wiesgħa mill-pubbliku ġenerali

3.31.

Huwa essenzjali li ċ-ċittadini u l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati jiġu appoġġjati biex jiġu mmobilizzati bħala parti attiva mit-tranżizzjoni lejn soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-biża’ u t-tħassib dwar l-isfidi tat-tranżizzjoni jistgħu jittaffew permezz tal-involviment tat-tipi kollha tal-partijiet ikkonċernati. Għandha titnieda Inizjattiva kkoordinata għad-Diplomazija dwar il-Klima, biex tinkludi Network ta’ Diplomazija dwar il-Klima tas-Soċjetà Ċivili.

3.32.

Il-mekkaniżmi distributtivi nazzjonali u speċifiċi tal-Istati Membri għall-Fond Soċjali għall-Klima għandhom jiġu identifikati b’mod ċar, bi proċess ta’ konsultazzjoni, biex jiġi żgurat li l-ispejjeż tat-tranżizzjoni jkunu distribwiti b’mod ugwali, u l-appoġġ finanzjarju jilħaq lil dawk li l-aktar għandhom bżonnu. Il-KESE, bin-network tiegħu ta’ madwar 100 miljun ċittadin, jista’ jaqdi rwol biex jiffaċilita t-tfassil ta’ dawn il-mekkaniżmi.

3.33.

Il-messaġġi ċari dwar il-benefiċċji tat-tnaqqis tad-dipendenza mill-fjuwils fossili importati, u l-benefiċċji b’diversi aspetti li ġġib magħha soċjetà b’newtralità karbonika għandhom jiġu kkomunikati b’mod koerenti biex jiġu miġġielda narrattivi foloz li jaggravaw l-aġendi populisti.

3.34.

L-implimentazzjoni tal-proposti “lesti għall-mira ta’ 55 %” teħtieġ strutturi ta’ governanza b’saħħithom biex jinkludu lill-partijiet ikkonċernati kollha fit-tfassil tal-miżuri ta’ adattament. Hija trid tiġi rikonoxxuta bħala sfida interġenerazzjonali, u trid titqies bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, fid-dħul, u fl-opportunitajiet.

3.35.

Id-direzzjoni ċara dwar id-distribuzzjoni tal-miri hija importanti. L-impenji stretti bħal dawk stabbiliti fil-Liġi dwar il-Klima għandhom jidentifikaw min għandu jagħmel xiex, b’mira vinkolanti skont is-settur stabbilita fil-livell nazzjonali.

3.36.

Għandu jinħoloq spazju li jissemplifika u jidentifika l-flussi ta’ finanzjament għall-industrija u għall-SMEs biex tiġi ffaċilitata l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament.

Brussell, l-24 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  “Narrattiva Ġdida għall-Ewropa – Ir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa”, punt 2.1 (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 1).

(2)  “Narrattiva Ġdida għall-Ewropa – Ir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa”, punt 2.1 (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 1).

(3)  “Narrattiva Ġdida għall-Ewropa – Ir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa”, punt 2.4 (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 1).

(4)  TEN/759 dwar Fond Soċjali għall-Klima, Opinjoni tal-KESE adottata fil-plenarja tal-KESE tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2021, punti 1.1 u 1.2 (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 158).

(5)  Il-Fond Monetarju Internazzjonali għamel kalkolu dwar is-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili madwar id-dinja (ippubblikat f’Settembru 2021), li jammontaw għal madwar USD 6 triljun kull sena.

(6)  Riżoluzzjoni – “Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022” ibbażata fuq il-ħidma tal-Grupp ad hoc dwar “Il-kontribut tal-KESE għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022”, punt 1.5 (ĠU C 341, 24.8.2021, p. 1).

(7)  https://www.stockholmresilience.org/research/planetary-boundaries/the-nine-planetary-boundaries.html.


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/118/KE u d-Direttiva (UE) 2020/262 (riformulazzjoni) fir-rigward tal-ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fit-terminal Franċiż tal-mina taħt il-Kanal Ingliż

[COM(2021) 817 final — 2021/0418 (CNS)]

(2022/C 275/17)

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

214/0/8

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/118/KE u d-Direttiva (UE) 2020/262 (riformulazzjoni) huwa sodisfaċenti fir-rigward tal-ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fit-terminal Franċiż tal-mina taħt il-Kanal Ingliż u jħoss li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-567 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Frar 2022 (seduta tat-23 ta’ Frar), b’214-il vot favur u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


18.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 275/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan l-Unjoni d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (kodifikazzjoni)”

(COM(2021) 769 final — 2021/0400 (COD))

(2022/C 275/18)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13.12.2021

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 17.12.2021

Bażi legali

Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

23.2.2022

Sessjoni Plenarja Nru

567

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

214/1/6

Billi l-Kumitat jikkunsidra bla riżervi li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-567 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Frar 2022 (seduta tat-23 ta’ Frar), b’214-il vot favur, vot 1 kontra u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew