ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 270

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
13 ta' Lulju 2022


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Interactio – kompletament mill-bogħod – il-148 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 26.1.2022–27.1.2022

2022/C 270/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Interactio – kompletament mill-bogħod – il-148 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 26.1.2022–27.1.2022

2022/C 270/02

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021–2027

8

2022/C 270/03

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi

13

2022/C 270/04

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE

18

2022/C 270/05

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tibdil fil-klima: lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-Patt Ekoloġiku Ewropew

25

2022/C 270/06

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija

31


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Interactio – kompletament mill-bogħod – il-148 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 26.1.2022–27.1.2022

2022/C 270/07

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn trasport bit-triq mingħajr emissjonijiet: L-użu ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u t-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2

38


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Interactio – kompletament mill-bogħod – il-148 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 26.1.2022–27.1.2022

13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

(2022/C 270/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Wara li kkunsidra:

ir-Riżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020-2025 (1),

ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tat-12 ta’ Frar 2020 (2) u r-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tas-7 ta’ Mejju 2021 (3),

ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Programm ta Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2022 tat-2 ta’ Diċembru 2021 (4),

ir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar id-Demokrazija Ewropea;

Billi:

a.

l-UE hija magħmula minn 27 Stat Membru, 280 reġjun u kważi 90 000 muniċipalità, u l-prinċipju “magħquda fid-diversità” għandu jjiggwida l-funzjonament tal-UE;

b.

iċ-ċittadini u d-delegati reġjonali u lokali tagħhom għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa jistennew riżultati tanġibbli li jtejbu l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE u jwasslu għal governanza riformata tal-UE li tiffoka fuq il-prossimità u l-parteċipazzjoni, sabiex tiżdied il-fiduċja tan-nies fl-UE u l-leġittimità demokratika tagħha;

c.

l-inklużjoni ta’ delegazzjoni b’saħħitha ta’ rappreżentanti politiċi reġjonali u lokali fil-Plenarja tal-Konferenza għenet biex id-dibattiti jitqarrbu lejn it-tħassib taċ-ċittadini, bil-għan li tiġi pprovduta dimensjoni territorjali għar-riżultati futuri tal-Konferenza;

d.

il-proposti ewlenin imqajma mid-delegati lokali u reġjonali għall-Konferenza rċevew il-kunsens ġenerali fil-Plenarja tal-Konferenza, fil-Gruppi ta’ Ħidma, fil-caucuses tal-familji politiċi, u fil-Pjattaforma Diġitali Multilingwi;

Id-demokrazija Ewropea

1.

jemmen li d-demokrazija hija valur fundamentali tal-UE mirfud mill-istat tad-dritt u espress mill-fiduċja taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; iqis li d-demokraziji Ewropej, nazzjonali, lokali u reġjonali, mibnija fuq il-parlamenti u l-gvernijiet reġjonali tagħhom, il-kunsilli u s-sindki leġittimizzati mill-elezzjonijiet, huma kompletament komplementari u jsaħħu lil xulxin u li d-demokrazija għandha tiġi rispettata bħala valur universali fl-UE;

2.

iqis li sabiex tiġi indirizzata d-domanda dejjem tikber taċ-ċittadini biex jiġi indirizzat id-defiċit demokratiku, jeħtieġ li l-UE tippromovi mudell ta’ “Dar Ewropea tad-Demokrazija” mibni fuq leġittimità tridimensjonali – Ewropea, nazzjonali, reġjonali u lokali li tikkorrispondi għall-vot mixħut miċ-ċittadini f’kull livell; il-parlamenti reġjonali b’setgħat leġiżlattivi għandhom rwol speċjali x’jaqdu f’dan ir-rigward, fid-dawl tar-rwol tagħhom bħala intermedjarji bejn iċ-ċittadini u l-livell sovranazzjonali;

3.

huwa konvint li d-demokrazija Ewropea rappreżentattiva u parteċipattiva għandha taħdem b’mod komplementari biex tiżgura li d-demokrazija tagħti riżultati liċ-ċittadini fil-postijiet fejn jgħixu;

4.

josserva li d-demokrazija hija mmirata lejn il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd u li, fl-Ewropa, il-leġittimità hija primarjament ibbażata fuq s-sussidjarjetà kif esperjenzata min-nies; għaldaqstant jara futur tajjeb għal Ewropa taċ-ċittadini; il-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti lokali u reġjonali fil-livell Ewropew hija partikolarment importanti f’dan ir-rigward;

5.

jenfasizza l-ħtieġa għal parteċipazzjoni u involviment akbar taċ-ċittadini fil-politiki tal-UE permezz ta’ rappreżentanza elettorali aktar b’saħħitha fil-livelli kollha ta’ governanza, u huwa tal-fehma li dan se jikkontribwixxi għall-Ewropizzazzjoni tal-ispazju pubbliku; jistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħtu spinta lid-demokrazija rappreżentattiva billi jżidu l-finanzjament disponibbli għall-partiti politiċi, il-gruppi u l-fondazzjonijiet preżenti fil-livell tal-UE, inklużi dawk li jirrappreżentaw il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

6.

jemmen li hemm lok għal użu aħjar tal-qafas eżistenti tat-Trattat permezz ta’ sinerġiji aħjar bejn id-diversi livelli ta’ governanza; madankollu, il-bidliet fit-Trattat m’għandhomx jiġu esklużi jekk ikunu debitament ġustifikati;

7.

jitlob li wieħed jibni fuq l-esperjenza tal-Konferenza biex jiġi żviluppat djalogu permanenti u bbażat fuq il-post maċ-ċittadini bħala mekkaniżmu parteċipattiv li jorbot aħjar lill-UE mar-realtajiet fil-livell lokali, fil-livell ta’ kontea u f’livell reġjonali u nazzjonali; jemmen li dan id-djalogu permanenti maċ-ċittadini jagħti prova tal-valur miżjud tiegħu fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali/fil-livell ta kontea/lokali; f’dan ir-rigward, ta’ min jinnota l-ħidma taċ-ċentri li jagħmlu parti min-network ta’ Europe Direct tal-Kummissjoni Ewropea u tal-istrutturi ospitanti tagħhom li jaġixxu bħala xprun għat-tixrid tal-valuri Ewropej u d-dibattitu dwar il-proġett Ewropew. Bl-istess mod, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu forums permanenti għad-djalogu u d-dibattitu fil-livell Ewropew mad-diversi atturi fir-reġjuni tagħhom, sabiex il-proġett Ewropew jitqarreb iżjed lejn iċ-ċittadini;

8.

jitlob l-istituzzjonalizzazzjoni ta’ forom ġodda ta’ parteċipazzjoni ċivika fil-livell tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ djalogi maċ-ċittadini ma’ ċittadini magħżula b’mod aleatorju dwar temi speċifiċi;

9.

jenfasizza li r-reġjuni, il-kontej u l-bliet tal-UE għandhom għarfien tanġibbli relatat mal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jfakkar li kienu huma li organizzaw il-maġġoranza ta’ kważi 5 000 djalogu u avveniment taċ-ċittadini li saru fil-kuntest tal-Konferenza; itenni r-rieda tiegħu li jkompli jorganizza djalogi lokali bil-għan li jitnaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini permezz tal-involviment fil-livell lokali u reġjonali;

Sussidjarjetà u proporzjonalità attivi fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet

10.

jirrakkomanda li l-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli u tas-sħubija jiġu estiżi u inkorporati fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji tal-politiki kollha tal-UE li għandhom impatt reġjonali jew lokali; itenni t-talba tiegħu għall-kodifikazzjoni tal-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli u tas-sħubija lil hinn mill-FSIE f’Kodiċi ta’ Kondotta interistituzzjonali, u għall-inklużjoni tagħhom fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

11.

jenfasizza li l-Missjonijiet Ewropej, bħala strument ġdid u vitali fl-indirizzar tal-isfidi jaħarqu tas-soċjetà, huma test reali tal-impatt u l-kredibbiltà tal-UE. Jeħtieġ li jkollhom leġittimità u aċċettazzjoni mifruxa. Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni mal-partijiet interessati u ċ-ċittadini kollha tagħhom huwa kruċjali biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-Missjonijiet tal-UE. Jitlob ukoll lill-Missjonijiet tal-UE jiddefinixxu pjani direzzjonali ċari u joħolqu approċċ sistematiku ġdid ta’ governanza f’diversi livelli u metodoloġiji dwar l-esperimentazzjoni, il-prototipi, il-monitoraġġ u l-espansjoni tal-attivitajiet fil-livelli kollha ta’ governanza;

12.

jitlob li jissaħħaħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva permezz ta’ emendi għall-Protokoll Nru 2 tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; jitlob li tali emendi jestendu l-iskadenza għall-iskrutinju tas-sussidjarjetà skont il-“Mekkaniżmu ta’ Twissija Bikrija” għal tnax-il ġimgħa, jintroduċu użu sistematiku tal-“grilja” tas-sussidjarjetà żviluppata mill-KtR u jintroduċu “proċedura ta’ karta ħadra”, li tippermetti li għadd sinifikanti ta’ parlamenti nazzjonali jew reġjonali jipproponu leġiżlazzjoni tal-UE;

13.

jipproponi li l-valutazzjonijiet tal-impatt jinkludu dimensjoni territorjali, u li l-prinċipju tal-proporzjonalità jingħata l-istess kunsiderazzjoni legali bħall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

14.

jitlob li l-KtR jiġi aġġornat gradwalment biex minn korp konsultattiv isir korp tal-Unjoni Ewropea li jiddeċiedi b’mod konġunt dwar oqsma ta’ politiki ewlenin b’impatt territorjali;

15.

josserva, fir-rigward tas-sussidjarjetà u t-titjib tal-leġiżlazzjoni Ewropea, li għandhom jitqiesu l-esperjenzi tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’dan il-qasam, mhux biss in-network tas-sussidjarjetà, iżda wkoll RegHub, li r-rwol tiegħu jidher li kulma jmur se jikber u huwa utli ferm għall-Kummissjoni Ewropea;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-KtR jirrappreżenta dimensjoni tal-politika Ewropea li istituzzjonijiet oħra tal-UE ma jistgħux jirrappreżentaw u li, għalhekk, il-perspettiva reġjonali u lokali tal-KtR tagħmel kontribut indispensabbli għat-tfassil tal-politika u l-leġittimità fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

17.

iqis li huwa essenzjali li l-KtR jiffoka l-ħidma tiegħu fuq politiki b’impatt territorjali, u għalhekk b’mod predominanti fuq kwistjonijiet li fihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma jew involuti fil-livell ta’ implimentazzjoni jew affettwati b’mod sinifikanti;

18.

jitlob mandat għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-UE biex jiddiskutu l-Opinjonijiet tal-KtR adottati wara konsultazzjoni obbligatorja, u biex jagħtu raġunijiet sostanzjati jekk dawn l-Opinjonijiet ma jitqisux;

19.

jitlob li l-KtR jingħata aċċess għat-trilogi u d-dokumenti relatati, dment li jkun ressaq Opinjoni dwar il-proposta inkwistjoni skont l-Artikolu 307 tat-TFUE; jitlob li l-KtR jingħata l-kapaċità li jipproponi kompromessi lill-koleġiżlaturi, li jippermettulhom jirċievu kontribut siewi rigward ir-realtajiet ta’ implimentazzjoni fil-prattika;

20.

jappella għal sinerġiji interistituzzjonali aħjar, pereżempju billi l-KtR jiġi involut fil-ħidma tal-istrutturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (eż. kummissjonijiet, kumitati u gruppi ta’ ħidma) u l-proċedura ta’ komitoloġija;

21.

ifakkar li 70 % tal-leġiżlazzjoni hija implimentata fil-livell reġjonali u lokali, u għalhekk jitlob li jiġi kkonsultat fl-ippjanar annwali u pluriennali tal-UE, fl-aġenda u fil-proċessi ta’ stabbiliment tal-prijoritajiet, bħal dawk previsti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet; b’rabta ma’ dan. ifakkar il-valur miżjud tan-network RegHub u jitlob li jissaħħaħ;

22.

huwa konvint li kunsiderazzjoni akbar tal-esperjenzi speċifiċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE se twassal għal regolamentazzjoni aħjar fl-Unjoni Ewropea;

23.

jenfasizza li kwalunkwe evoluzzjoni tal-liġi elettorali Ewropea, inkluża l-introduzzjoni possibbli ta’ listi transnazzjonali, trid tirrispetta l-prinċipju tar-rappreżentanza territorjali u tiżgura l-konnessjoni mad-dimensjonijiet lokali u reġjonali tal-politiki tal-UE, u l-prossimità tal-Membri tal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini;

Il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt

24.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt; jikkundanna għalhekk kwalunkwe tentattiv biex jiġi attakkat l-istat tad-dritt, tiġi strumentalizzata s-sistema ġudizzjarja u jiġu kompromessi l-valuri Ewropej, id-drittijiet u s-supremazija tad-dritt tal-UE fuq id-dritt nazzjonali; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ tal-istat tad-dritt u l-valutazzjoni tiegħu abbażi tal-kriterji żviluppati mill-Kummissjoni ta’ Venezja;

25.

itenni t-talba tiegħu biex jittieħdu passi sabiex tissaħħaħ l-awtorità tal-UE u tal-Istati Membri, il-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi tal-istat tad-dritt, u l-awtoritajiet territorjali bħala istituzzjonijiet li jippromovu d-demokrazija;

26.

iqis li l-ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt għandu jwassal għas-sospensjoni tal-pagamenti jew tal-korrezzjonijiet finanzjarji, u li f’każ ta’ tali miżuri, dawnil-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, mhux responsabbli għall-ksur tal-istat tad-dritt, għandhom ikomplu jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Istat Membru kkonċernat;

27.

jirrikonoxxi li l-kriżi tal-COVID-19 aggravat id-disparitajiet eżistenti fir-reġjuni Ewropej; jitlob għalhekk lill-komponenti tal-Konferenza biex isaħħu s-solidarjetà Ewropea u jirrikonoxxu l-koeżjoni bħala valur Ewropew fundamentali;

28.

jipproponi l-istabbiliment ta’ programm Erasmus għall-politiċi lokali u reġjonali biex jgħin fl-iżvilupp tal-għarfien tagħhom dwar l-UE, iżid l-eżekuzzjoni tal-fondi u jtejjeb il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-politika;

Iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura

29.

jirrimarka li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-isforzi sabiex tinkiseb l-Unjoni ta’ Ugwaljanza, billi jiġu indirizzati b’mod effettiv il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni; iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat aħjar li l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni kollha tal-UE u li jiġu introdotti “valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri” għal kull biċċa leġiżlazzjoni tal-UE li tkun għadha kif ġiet proposta;

30.

iqis li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tagħmel proposti għall-protezzjoni u l-promozzjoni sostenibbli tal-minoranzi fl-UE, abbażi tal-proposti tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Minority SafePack”, li kienet ta’ suċċess;

31.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-theddid tad-diżinformazzjoni fl-Ewropa u jappella għall-introduzzjoni ta’ kurrikulu fl-Ewropa kollha għall-edukazzjoni ċivika, il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi Ewropej, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku, li għandu jiġi żviluppat u implimentat fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

32.

jappella għal azzjoni b’saħħitha fil-livell tal-UE biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali fl-edukazzjoni, b’mod partikolari f’żoni remoti, transfruntiera u rurali u f’żoni urbani foqra; jitlob li l-UE tappoġġja l-isforzi nazzjonali u reġjonali għal edukazzjoni li tibqa’ valida fil-futur permezz tal-iżvilupp ta’ għodod ġodda ta’ tagħlim bħal pjattaformi diġitali multilingwi pan-Ewropej għat-tixrid wiesa’ ta’ kontenut edukattiv;

33.

jenfasizza l-importanza li jiġu estiżi aktar ir-riċevituri, il-possibbiltajiet u l-fondi tal-Programm Erasmus+, li huwa l-aktar strument importanti tal-Unjoni Ewropea għall-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni Ewropea kondiviża. B’mod partikolari, jeħtieġ li r-riżorsi u l-possibbiltajiet li joffri fil-qasam tal-iskejjel jingħataw spinta, u għandu jsir l-istess fl-oqsma differenti tal-amministrazzjoni pubblika sabiex, f’dan il-każ, jiġi stabbilit programm għall-iskambju ta’ prattiki tajbin, li huwa usa’ mill-Erasmus attwali għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi;

34.

iqis li l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar fost iż-żgħażagħ u t-tfal għandu jsir prijorità fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali kollha Ewropej;

35.

iqis li l-aċċess universali għall-attivitajiet kulturali u sportivi huwa s-soluzzjoni li tippermetti l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u żżid in-numru globali ta’ persuni, speċjalment żgħażagħ, involuti f’attivitajiet bħal dawn, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-promozzjoni ta’ valuri komuni Ewropej;

Il-klima, l-ambjent u r-reżiljenza

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-reġjuni u l-bliet jaqdu rwol deċiżiv fl-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament, bħala reazzjoni għad-diżastri klimatiċi u għall-iżgurar tal-impenn attiv tal-komunitajiet lokali fit-tranżizzjoni ekoloġika; jitlob, għalhekk, involviment istituzzjonali ċar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent, għal aċċess dirett għall-finanzjament tal-UE, u għal programmi kkoordinati fil-livelli kollha ta’ governanza u, b’mod partikolari, il-pjani ta’ investiment bħala appoġġ għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza; jenfasizza li l-finanzjament dirett huwa l-prekundizzjoni għall-bliet u r-reġjuni biex ikunu lesti jadottaw il-miri ambizzjużi li qed jiġu negozjati taħt il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”;

37.

jenfasizza d-dimensjoni territorjali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-interazzjoni mat-trasformazzjoni diġitali u l-politiki soċjali; jitlob li l-monitoraġġ tal-miżuri klimatiċi fil-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza jqis il-Patti Ekoloġiċi Lokali; jipproponi Tabella ta’ Valutazzjoni Reġjonali Ewropea b’indikaturi ċari, immirati u faċli għall-utent biex jitkejlu u jiġu mmonitorjati l-impatti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livell tar-reġjuni NUTS 2;

38.

itenni t-talbiet tiegħu għal organizzazzjoni sistematika ta’ pjattaformi u djalogi f’diversi livelli biex titwettaq parteċipazzjoni strutturata u inklużiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku, li se jikkontribwixxu wkoll għal komunitajiet lokali reżiljenti; jenfasizza li s-suċċess tal-Patt Ekoloġiku jirrikjedi proċess ta’ trasformazzjoni rapida lejn sistemi tal-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji tagħhom u l-adattament tal-infrastruttura assoċjata;

39.

jenfasizza r-rwol dejjem jikber tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell globali u Ewropew biex tiġi żgurata tranżizzjoni klimatika ġusta; jinnota li l-Ftehim ta’ Pariġi u d-Dikjarazzjoni ta’ Edinburgu dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 jirrikonoxxu r-rilevanza tal-governanza f’diversi livelli biex jinkisbu n-newtralità klimatika, il-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli, b’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; itenni l-appoġġ tiegħu għal sistema ta’ Kontributi Stabbiliti fil-Livell Lokali u Reġjonali biex jiġi rikonoxxut, immonitorjat u mħeġġeġ formalment it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

40.

jirrakkomanda li tingħata attenzjoni lit-trasformazzjoni sostenibbli tas-settur tat-trasport li trid tkun waħda ġusta u ekwa, u li jiġi żgurat li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura u li l-mobilità sostenibbli u bi fjuwil alternattiv tkun affordabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha fir-reġjuni kollha; jipproponi Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta għar-reġjuni li jiddependu mill-industrija tal-karozzi sabiex jiġu ġestiti l-bidliet fis-settur, meta wieħed iqis li s-settur tal-karozzi (li jipprovdi impjiegi diretti u indiretti lil 13,8-il miljun Ewropew, li jirrappreżentaw 6,1 % tal-impjieg totali tal-UE) għaddej minn proċess ta’ trasformazzjoni fundamentali fit-triq lejn vetturi b’emissjonijiet żero, b’impatti kbar fuq it-tkabbir reġjonali u l-impjiegi;

Unjoni tas-Saħħa

41.

itenni l-impenn tiegħu li jaħdem favur il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa kompleta li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kompetenzi legali fis-saħħa; jitlob għal rwol aktar ċar għall-awtoritajiet reġjonali – b’mod partikolari r-reġjuni b’setgħat leġiżlattivi fil-qasam tas-saħħa – u l-awtoritajiet lokali fl-Awtorità tal-UE futura għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE;

42.

jappoġġja l-aċċess għas-saħħa elettronika għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jitlob għal approfondiment tal-kompetenzi tal-UE fil-qasam tas-saħħa, inkluż permezz ta’ bidliet fit-Trattati, b’mod partikolari biex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrikonoxxi formalment emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni; jappoġġja s-sejħa għat-tisħiħ tal-protezzjoni tas-saħħa, il-kapaċitajiet tal-manifattura tal-UE u ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-mediċini;

43.

jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni fil-kura tas-saħħa transkonfinali li tinkludi finanzjament fit-tul tal-UE u tippermetti l-passaġġ ħieles bejn il-fruntieri ta’ persunal u vetturi li jaħdmu fis-servizzi ta’ emerġenza u l-kura tas-saħħa. L-ostakli burokratiċi attwali għall-kura tas-saħħa transkonfinali u għas-servizzi ta’ emerġenza għandhom jitneħħew fi żmien qasir u mingħajr burokrazija, għall-benefiċċju taċ-ċittadini;

Ekonomija, ġustizzja soċjali u impjiegi

44.

jinsab konvint li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprovdi momentum ġenwin biex il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali jsir il-ġabra ta’ regoli soċjali l-ġdida li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-aċċess għall-impjiegi, u fl-istess ħin issaħħaħ il-koeżjoni soċjali;

45.

jitlob li jsir tiġdid maġġuri tal-governanza ekonomika Ewropea, li għandha tappoġġja aħjar investiment ta’ kwalità tajba,, pubbliku, fit-tul u sostenibbli fil-livelli kollha tal-gvern permezz ta’ regoli baġitarji riveduti, u ttejjeb ir-responsabbiltà demokratika u l-effiċjenza permezz ta’ involviment aħjar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew permezz ta’ Kodiċi ta’ Kondotta abbażi ta’ sħubija. Itenni l-pożizzjoni tiegħu favur l-abbandun tat-teħid ta’ deċiżjonijiet unanimu fit-tassazzjoni, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa b’maġġoranza kwalifikata, bħal f’oqsma oħra ta’ azzjoni;

46.

jitlob għall-użu tal-finanzjament disponibbli għall-irkupru, u għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjoni tas-suq tax-xogħol, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni għall-persuni li jaħdmu għal pjattaformi diġitali jew fl-ekonomija tal-gigs, bħal kif jingħata lil dawk li jaħdmu fl-ekonomija offline;

47.

jenfasizza r-rwol tal-innovazzjoni fl-iżvilupp ta’ ekonomija aktar b’saħħitha u fl-iżgurar ta’ tkabbir kemm kompetittiv kif ukoll sostenibbli; huwa tal-fehma li l-innovazzjoni Ewropea tirrikjedi investiment fil-kapaċitajiet meħtieġa (infrastrutturi tar-riċerka, networks tal-broadband, supercomputing, Intelliġenza Artifiċjali u settijiet ta’ data miftuħa) u jeħtieġ li tattira akkademiċi u speċjalisti fit-territorji Ewropej kollha;

Trasformazzjoni diġitali

48.

iqis li t-trasformazzjoni diġitali se jkollha bżonn tiżgura l-isfruttament sħiħ tat-teknoloġija, għall-benefiċċju tas-setturi kollha tas-soċjetà, fi ħdan qafas etiku li jirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini, speċjalment fl-użu ta’ teknoloġiji fixkiela, u b’mod partikolari l-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li tagħlaq id-distakk diġitali u tiżgura li l-litteriżmu u l-konnettività diġitali jsiru realtà fl-inħawi kollha tal-Ewropa;

49.

jenfasizza l-ħtieġa għas-sigurtà, l-interoperabbiltà u l-ħżin tad-data u jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Att Ewropew dwar ir-reżiljenza taċ-ċibersigurtà; jemmen li sabiex jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi u l-informazzjoni diġitali, inkluż il-forniment effiċjenti ta’ servizzi pubbliċi, jeħtieġ li jsir investiment f’infrastruttura sigura u b’kapaċità għolja biex jiġi pprovdut aċċess għall-Internet kemm lill-individwi kif ukoll lill-organizzazzjonijiet;

50.

jirrimarka li t-trasformazzjoni diġitali tiddependi minn viżjoni fit-tul għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iskambju fi kwistjonijiet diġitali, fejn l-UE trid tkun innovatur u fuq quddiem nett fl-iskoperta ta’ teknoloġiji u servizzi diġitali ġodda u trid tistabbilixxi standards diġitali adatti u koerenti;

51.

iqis, għaldaqstant, li d-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa jeħtieġ li tinkludi l-“koeżjoni diġitali” bħala dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tradizzjonali ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali definit fit-Trattat tal-UE.

52.

jitlob li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġu indirizzati d-distakki diġitali fost l-Istati Membri tal-UE u bejn iż-żoni urbani u rurali fir-rigward tal-konnettività u l-infrastruttura diġitali, il-ħiliet diġitali, u l-aċċess u l-użu tas-servizzi tal-gvern elettroniku; jitlob għalhekk l-introduzzjoni ta’ “Karta Diġitali tal-UE għas-Servizzi Transfruntiera” biex jiġi ssemplifikat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u ta’ emerġenza għaċ-ċittadini u n-negozji fir-reġjuni transfruntiera;

Migrazzjoni

53.

jitlob għal approċċ Ewropew meta jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni bħala fenomenu xprunat mill-instabilità u l-kunflitti globali, il-fraġilità tal-istati u l-migrazzjoni klimatika; iħeġġeġ il-bini effettiv tal-kapaċitajiet biex tissaħħaħ il-ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-migrazzjoni mil-livelli kollha ta’ governanza;

54.

jinnota r-rikonoxximent min-naħa taċ-ċittadini u d-delegati tar-rwol ċentrali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-migranti u r-rifuġjati f’żoni partikolarment milquta; jitlob għalhekk li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fit-tfassil tal-politiki ta’ integrazzjoni; jitlob li jiġi żviluppat sett ta’ għodod aktar flessibbli ta’ politika li jippermetti lill-awtoritajiet sottonazzjonali jidderieġu l-integrazzjoni u jkejlu s-suċċess tal-politiki ta’ integrazzjoni u inklużjoni fil-livell reġjonali u lokali; u jappella biex il-potenzjal kbir tas-solidarjetà volontarja fil-muniċipalitajiet u r-reġjuni tagħna jiġi sfruttat f’kunċett ta’ kapaċità ta’ akkoljenza volontarja, integrat f’politika komprensiva u fit-tul dwar il-migrazzjoni;

55.

jirrakkomanda li jiġu stabbiliti metodoloġiji biex jiġu replikati mudelli sostenibbli ta’ akkoljenza u integrazzjoni, bħall-isponsorizzazzjoni komunitarja;

Riżultati u segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

56.

jara l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa bħala punt tat-tluq għal proċess demokratiku għalkollox abilitanti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; itenni l-ħtieġa għal dibattitu kontinwu, ġenwinament inklużiv, trasparenti, deċentralizzat, u bbilanċjat ġeografikament u politikament dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea; iqis li l-Konferenza għandha ssegwi approċċ miftuħ, inkluż fir-rigward tar-riforma tal-politiki u l-istituzzjonijiet, u li għandha twitti t-triq għal riformi dejjiema, li jmorru lil hinn mid-durata tal-Konferenza;

57.

jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu li jikkontribwixxi għas-segwitu tal-Konferenza, billi jibdel l-inizjattivi u l-proposti politiċi f’azzjonijiet li jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini; jirrimarka li s-suċċess tal-Konferenza jiddependi wkoll minn riżultati konkreti li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet magħmula miċ-ċittadini. Jekk ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom ma jiġux adottati jew jiġu adottati biss f’forma modifikata, ir-raġunijiet għandhom jiġu spjegati b’mod trasparenti u li jinftiehem;

58.

jissottolinja li meta jinbdew azzjonijiet ta’ segwitu, bħal proposti leġiżlattivi ġodda għall-implimentazzjoni tar-riżultati tal-Konferenza, jeħtieġ li jiġi osservat it-tqassim tal-kompetenzi u b’mod partikolari l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità minquxa fit-Trattati;

59.

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-presidenza tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Franċiża, Ċeka u Żvediża tal-Kunsill tal-UE u lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea;

60.

jitlob li jintuża l-perjodu sħiħ ta’ sentejn ppjanat oriġinarjament għall-Konferenza, li jibda mid-9 ta’ Mejju 2021 biex jiġi żgurat li l-ideat u l-proposti taċ-ċittadini jiġu indirizzati b’mod adatt u komprensiv. Fir-rebbiegħa tal-2022 għandu jiġi ppubblikat rapport interim biss.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  ĠU C 324, 1.10.2020, p. 8.

(2)  ĠU C 141, 29.4.2020, p. 5.

(3)  ĠU C 300, 27.7.2021, p. 1.

(4)  ĠU C 97, 28.2.2022, p. 1.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Interactio – kompletament mill-bogħod – il-148 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 26.1.2022–27.1.2022

13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/8


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021–2027

(2022/C 270/02)

Relatur:

Sergio CACI (IT/PPE), Sindku ta’ Montalto di Castro

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021–2027 — Is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel

COM(2021) 323 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-fatt li l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 (il-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE) huwa strateġija mill-Kummissjoni Ewropea mmirata biex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema u jitnaqqsu l-imwiet relatati max-xogħol sal-2030 (l-hekk imsejħa mira “Viżjoni Żero”), filwaqt li jiġi żgurat ambjent tax-xogħol aktar sikur u f’konformità mal-ħtiġijiet il-ġodda li jirriżultaw b’mod partikolari bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, iżda mhux biss; iqis bl-istess mod li strateġija, u mhux qafas strateġiku, tagħti sinjal politiku aktar b’saħħtu fir-rigward tal-miri previsti u l-azzjonijiet proposti biex dawn jintlaħqu;

2.

huwa konvint li l-qafas ta’ politika pprovdut mill-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol s’issa wassal għal titjib kbir biex jiżdiedu l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol madwar l-UE. Flimkien mal-objettiv ta’ “Viżjoni Żero”, il-qafas jissottolinja li l-ambizzjonijiet tal-UE mexjin fid-direzzjoni t-tajba, għalkemm jirrikjedu inklużjoni akbar tal-kategoriji kollha tal-ħaddiema, xi ħaġa li għadha ma seħħitx f’din il-proposta;

3.

jissottolinja l-ħtieġa tar-rwol tal-UE li tipprovdi direzzjoni strateġika unifikata f’dan il-qasam. Din il-ħtieġa ntweriet b’mod ċar kemm mill-istudji kif ukoll mir-riżultati tanġibbli ta’ dawn l-aħħar deċennji. Il-punt ewlieni tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol juri li l-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri ma’ atturi oħra (eż. l-imsieħba soċjali u d-diversi partijiet ikkonċernati fil-livelli differenti ta’ governanza) jista’ jkollhom impatt pożittiv u dirett fuq il-ħajja tax-xogħol fiż-żewġ dimensjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza;

4.

jikkondividi mingħajr dubju t-tliet objettivi trasversali għall-qafas strateġiku stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tat-tfassil tal-istrateġija tal-UE għall-ħames snin li ġejjin, jiġifieri l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidliet fid-dinja tax-xogħol ta’ wara l-pandemija matul it-tranżizzjoni diġitali, dik ekoloġika u dik demografika, it-titjib tal-prevenzjoni tal-inċidenti u tal-mard okkupazzjonali, u fl-aħħar it-titjib tal-istat ta’ tħejjija għal kriżijiet tas-saħħa futuri potenzjali;

5.

jilqa’ b’mod favorevoli l-idea li sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, il-Kummissjoni beħsiebha tirrevedi t-termini tad-Direttiva dwar il-Postijiet tax-Xogħol u d-Direttiva dwar l-apparat ta’ wiri fuq skrin, kif ukoll taġġorna r-regoli tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi fil-ġlieda kontra l-kanċer, il-mard riproduttiv u respiratorju, u barra minn hekk taġġorna l-limiti ta’ protezzjoni għall-asbestos u ċ-ċomb;

6.

jirrakkomanda, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tipproċedi bl-iktar tħejjija u implimentazzjoni mgħaġġla possibbli ta’ inizjattiva fil-livell tal-UE dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol li tivvaluta kwistjonijiet emerġenti relatati ma’ din il-kwistjoni. L-inizjattiva għandha tkun kapaċi tipprovdi ispirazzjoni fejn meħtieġ fi Stati Membri/setturi/postijiet tax-xogħol individwali;

7.

fir-rigward taż-żewġ punti ta’ hawn fuq, jemmen bis-sħiħ li dawn għandhom japplikaw għall-kategoriji kollha ta’ ħaddiema, inklużi dawk attwalment esklużi mill-qafas ta’ politika;

8.

jenfasizza l-isfida li forza tax-xogħol li qed tixjieħ toħloq għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jeħtieġ li jiġi rrispettat il-prinċipju li l-postijiet tax-xogħol jiġu adattati għall-ħtiġijiet tan-nies u b’hekk ikun jista’ jsir progress lejn ħajja tax-xogħol inklużiva għall-ħaddiema ta’ kull età;

9.

jinnota b’sodisfazzjon li, filwaqt li tislet tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tiżviluppa proċeduri ta’ emerġenza u linji gwida għat-tixrid rapidu, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri fi kriżijiet tas-saħħa futuri potenzjali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-professjonisti tas-saħħa pubblika;

10.

jiddispjaċih li, għalkemm l-Istati Membri kollha sa issa tal-anqas integraw parzjalment l-ittra u l-ispirtu tal-qafas ta’ politika tal-UE fis-sistemi nazzjonali tagħhom, l-ebda wieħed minnhom attwalment ma segwieh fil-kompletezza tiegħu. Dan huwa dovut għall-fatt li xi pajjiżi ma rrevedewx u ma aġġornawx l-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol biex jallinjawhom bis-sħiħ mal-Qafas Strateġiku tal-UE għall-2014-2020 minħabba nuqqas ta’ ppjanar tal-ħin jew kisba baxxa tal-objettivi ewlenin, kif enfasizzat mill-EU-OSHA, bħal pereżempju, it-tixjiħ tal-popolazzjoni impjegata, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri, u implimentazzjoni aktar effettiva u f’waqtha tal-leġiżlazzjoni.

Is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-kultura ta’ prevenzjoni

11.

jissottolinja li l-għadd ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol naqas matul dawn l-aħħar erbgħin sena grazzi għal tliet fatturi: titjib xjentifiku u teknoloġiku, leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u sistemi ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Iqis għalhekk li huwa neċessarju li l-leġiżlatur Ewropew u nazzjonali, matul l-abbozzar, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija – f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali – għandu jirreferi għal kultura soda ta’ prevenzjoni, bħala l-metodu primarju biex jintlaħaq l-objettiv ta’ Viżjoni Żero, u ta’ objettivi oħrajn, fl-interess komuni tal-ħaddiema u tan-negozji; jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u l-involviment u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati, il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, u tal-impjegaturi u l-ħaddiema, fil-politiki ta’ prevenzjoni;

12.

jiġbed l-attenzjoni għal studju mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (ISSA) (1), li juri li investiment fi strateġija tajba dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u fil-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol jistgħu jwasslu għal redditu ta’ EUR 2,2 għal kull ewro għal kull impjegat kull sena għall-kumpaniji, u dan mingħajr ma jitħallew barra t-telf kbir tas-sigħat tax-xogħol, it-tnaqqis fil-moral fuq il-post tax-xogħol u l-impatt konsegwenti fuq il-produttività u l-kompetittività tan-negozji;

13.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li n-nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji ta’ prevenzjoni jwassal ukoll għal reklam ħażin għall-kumpaniji affettwati minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol, b’konsegwenzi serji għar-reputazzjoni tagħhom u l-prospetti tax-xogħol tal-impjegati;

14.

jirrakkomanda li l-impjegaturi jintegraw il-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali fil-kumpanija permezz ta’ mudelli ta’ ġestjoni interna, ħaddiema maħtura u s-servizzi ta’ prevenzjoni tagħhom stess, u li t-taħriġ fil-prevenzjoni jiġi promoss fost il-ħaddiema.

Is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u t-tranżizzjoni ekoloġika, dik diġitali u dik demografika

15.

iqis li l-progress teknoloġiku qiegħed kontinwament ibiddel ix-xenarju tal-post tax-xogħol. Għalhekk huwa pożittiv li l-UE tressaq proposti aġġornati dwar it-teknoloġija fuq il-post tax-xogħol, kif stabbilit fl-ewwel objettiv tal-Kummissjoni għall-qafas ta’ politika l-ġdid tal-UE;

16.

iqis li, filwaqt li l-proposta biex jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) hija pass pożittiv, din għandha tindirizza wkoll il-problemi li jistgħu jinqalgħu b’rabta mas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

17.

jaqbel mal-kummenti dwar il-“White Paper dwar l-IA” (2), li skonthom il-ħaddiema u l-impjegaturi se jiġu affettwati direttament mit-tfassil u l-użu tas-sistemi tal-IA fuq il-post tax-xogħol, u li l-involviment tal-imsieħba soċjali se jkun fattur kruċjali biex jiġi żgurat approċċ iċċentrat fuq il-bniedem għall-IA fuq il-post tax-xogħol;

18.

itenni f’dan ir-rigward ir-rilevanza għall-kwistjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tal-Opinjoni tal-KtR dwar il-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali —– Approċċ Ewropew għall-Eċċellenza u għall-Fiduċja (3), li tqis li l-użu tat-teknoloġiji tal-IA huwa ta’ importanza kbira anke fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-ħaddiema. Għal dan il-għan, huwa jappoġġja s-sejħa tal-imsieħba soċjali Ewropej għal minimizzazzjoni tad-data u t-trasparenza tagħha, flimkien ma’ regoli ċari dwar l-ipproċessar ta’ data personali biex jiġi limitat ir-riskju ta’ monitoraġġ intrużiv u ta’ użu ħażin ta’ tali data personali, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem.

19.

itenni wkoll li huwa kruċjali li “r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma’ data, kunsens, protezzjoni tal-privatezza, u s-sorveljanza, li jorbtu l-ġbir tad-data ma’ skop konkret u trasparenti u li tiġi żgurata t-trasparenza meta s-sistemi tal-IA jintużaw fi proċeduri tar-riżorsi umani” (4);

20.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfida li l-bidla demografika għandha fuq is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Hemm bżonn ta’ politiki li jippromovu l-ġestjoni tal-età fil-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet kif ukoll proċessi innovattivi sabiex il-postijiet tax-xogħol jiġu adattati għal din ir-realtà, waqt li jitqiesu kemm il-varjetà tal-gruppi ta’ età u kif ukoll li l-ħaddiema anzjani ma humiex grupp omoġenju;

Rilevanza reġjonali u lokali tal-istrateġija

21.

jissottolinja li l-Qafas Strateġiku tal-UE 2021-2027 – bl-approċċ tiegħu ta’ “Viżjoni Żero” – se jirrikjedi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jindirizzaw il-problemi u jimplimentaw l-objettivi tal-qafas direttament “fuq il-post”, u li l-mod li għandhom jagħmlu dan huwa permezz tas-superviżjoni, it-taħriġ, il-bini ta’ kultura ta’ prevenzjoni u tal-protezzjoni tal-ħaddiema, il-kollaborazzjoni permezz tal-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajba, l-identifikazzjoni ulterjuri tal-problemi u l-evalwazzjoni – segwita minn feedback – tas-soluzzjonijiet l-aktar adatti għas-soluzzjoni tagħhom;

22.

jemmen li s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-ġestjoni tal-objettivi tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol tinvolvi rwol ewlieni li r-reġjuni u l-bliet jistgħu jwettqu biex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi tal-istrateġija;

23.

jemmen li r-reġjuni u l-bliet għandhom ikomplu jinkoraġġixxu u jipprovdu taħriġ u edukazzjoni lill-ispetturi tax-xogħol, lill-impjegaturi u lill-ħaddiema biex jadattaw għall-bidliet fl-impjiegi avvanzati influwenzati mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, iżda wkoll mill-kundizzjonijiet il-ġodda imposti mill-pandemija tal-COVID-19 u forza tax-xogħol li qed tixjieħ;

24.

jemmen li l-eqreb kollaborazzjoni possibbli bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali mal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, iżda wkoll ma’ bliet u reġjuni oħra, u l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba se jippromovu l-progress dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u se jgħinu biex tinbena kultura ta’ prevenzjoni;

25.

jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew u nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ riskji ġodda u l-prevenzjoni tagħhom, abbażi ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi fl-iżvilupp ta’ politiki tal-ogħla livell f’dan il-qasam;

26.

jissottolinja li l-involviment xieraq tar-reġjuni u l-bliet huwa meħtieġ biex tiġi definita aktar l-istrateġija dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk iqis li huwa essenzjali li jkunu involuti b’mod konkret fil-valutazzjoni tal-post tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Għandhom ukoll ikunu jistgħu jibagħtu feedback lill-UE sabiex jgħinu lill-UE toħloq stampa ċara tas-sitwazzjoni fuq il-post biex tikkoreġi sitwazzjonijiet li jinqalgħu matul il-perjodu ta’ qafas attwali, u biex tgħin fit-tfassil tal-istrateġija li jmiss għal wara l-2030;

27.

għal dan il-għan, jitlob lill-Kummissjoni toħloq għodda diġitali ddedikata (eż. Portal), li tikkomplementa l-Istħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti (ESENER) tal-EU-OSHA, u li jistgħu jirreferu għaliha r-reġjuni u l-bliet meta jqisu li jkun xieraq jew meħtieġ li tiġi pprovduta gwida lil-leġiżlatur Ewropew dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.

Rakkomandazzjonijiet ta’ politika finali:

28.

jemmen bis-sħiħ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala impjegaturi, għandhom imexxu bl-eżempju fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri proposti fil-Qafas Strateġiku;

29.

itenni l-fehma tiegħu li “l-akkwist pubbliku … [jista’ jgħin]… fil-prevenzjoni tad-dumping ambjentali u soċjali bl-inklużjoni ta’ aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali fil-kriterji għall-għoti ta’ kuntratti” (5). Jistieden għalhekk lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex, meta jagħtu kuntratti pubbliċi, jagħtu attenzjoni partikolari lill-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, offruti mill-kuntratturi u l-ktajjen ta’ sottokuntrattar tagħhom;

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ “Viżjoni Żero” u l-mira tagħha tal-ebda mewt relatata max-xogħol sal-2030; jemmen li huwa importanti li jitkomplew jissaħħu l-isforzi fuq il-post tax-xogħol biex jiġu prevenuti l-inċidenti u l-mard okkupazzjonali; isostni, madankollu, li “Viżjoni Żero” m’għandhiex tkun limitata biss għall-imwiet, iżda għandha tkopri inċidenti u mard okkupazzjonali, kif ukoll prevenzjoni u eliminazzjoni tar-riskji, b’konformità mal-prinċipji tad-Direttiva Qafas (6);

31.

ifakkar li x-xogħol innifsu huwa fattur importanti għall-promozzjoni tas-saħħa; huwa tal-fehma li, sabiex tiġi massimizzata l-effettività tal-istrateġija dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, huwa importanti li jiġi adottat approċċ olistiku, li jindirizza r-rabta bejn ambjent tax-xogħol tajjeb, is-saħħa mentali u fiżika, l-effiċjenza, il-kwalità u l-utilità ta’ attività; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ politiki li jippromovu s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jippromovu stili ta’ ħajja sikuri u tajbin għas-saħħa, inkluża, fost l-oħrajn, l-attenzjoni għal aspetti bħan-nutrizzjoni u l-attività fiżika;

32.

jesprimi l-approvazzjoni tiegħu dwar il-Qafas ta’ Referenza Strateġiku dwar il-Vjolenza, il-Fastidju u d-Diskriminazzjoni fuq il-Post tax-Xogħol, u jilqa’ l-attenzjoni mogħtija lill-perspettiva tal-ġeneru. Madankollu, il-Kumitat jippreferi li l-Qafas ikun konformi mal-Konvenzjoni 190 tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju fid-Dinja tax-Xogħol, li tipprovdi definizzjoni komprensiva ta’ vjolenza u fastidju u għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’, li jkopri l-ħaddiema u persuni oħra fid-dinja tax-xogħol (7);

33.

itenni l-approvazzjoni tiegħu tal-progress kontinwu u t-tliet aġġornamenti suċċessivi tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu riveduti u estiżi s-sustanzi u l-limiti ta’ esponiment fid-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni, li ġew żviluppati permezz ta’ proċess stabbilit sew u kooperazzjoni tripartitika (ħaddiema, impjegaturi u rappreżentanti tal-gvern) bl-involviment tal-Istati Membri kollha; jinnota li din il-kooperazzjoni tripartitika sseħħ fil-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) tal-Kummissjoni; B’dan il-ħsieb, il-Kumitat jistenna bil-ħerqa ħidma ulterjuri biex jiġu stabbiliti limiti vinkolanti ta’ esponiment okkupazzjonali bbażati fuq l-evidenza u xjentifikament aġġornati li jkopru l-50 karċinoġenu prijoritarji kollha (meta mqabbla mas-27 attwali) u biex jiġu inklużi sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, u għal prodotti mediċinali perikolużi;

34.

jappoġġja l-inklużjoni ta’ esponiment kombinat għal sustanzi kimiċi perikolużi, sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u r-reviżjoni tal-BOEL għas-silika kristallina respirabbli fit-taqsima tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi tal-qafas ta’ politika dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

35.

jindika l-ħtieġa li tiġi pprovduta gwida fir-rigward tal-qafas Ewropew dwar il-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali li tmur lil hinn minn approċċ individwalistiku li jonqos milli jqis l-effetti tal-organizzazzjoni tax-xogħol fuq is-saħħa mentali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar il-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u tesplora l-ħtieġa għal komunikazzjoni dwar dawn ir-riskji bi tħejjija għall-preżentazzjoni ta’ direttiva dwar dan is-suġġett;

36.

jistenna li l-Istati Membri jikkonformaw mar-rakkomandazzjoni tal-ILO dwar spettur wieħed tax-xogħol għal kull 10 000 ħaddiem; ikompli jisħaq dwar il-ħtieġa li jissaħħu aktar il-mekkaniżmi ta’ sanzjonar u l-ġbir (mill-ispettorati tax-xogħol) u t-tixrid tad-data miġbura;

37.

jitlob l-inklużjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fl-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali peress li l-istudji mwettqa minn Stati Membri individwali jinkludu valutazzjoni bir-reqqa tal-organizzazzjoni tax-xogħol, kif ukoll tas-saħħa fiżika u mentali u s-sikurezza tal-ħaddiema;

38.

jemmen li l-Qafas Strateġiku dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandu jkopri lil kulħadd fid-dinja tax-xogħol; josserva li l-ambitu tal-applikazzjoni tal-Qafas Strateġiku dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jeskludi lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (inklużi l-ħaddiema atipiċi u l-ħaddiema tal-pjattaformi) u jemmen li l-inizjattiva tal-UE li għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi tista’ tinkludi wkoll referenza dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

39.

jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta’ reviżjoni bir-reqqa ta’ dan il-qafas, u jistieden lil-leġiżlatur Ewropew iżid l-ambizzjoni u viżjoni aktar fit-tul f’dan il-kuntest;

40.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel rieżami tal-kundizzjonijiet tax-xogħol marbuta mat-telexogħol, li jkopri s-saħħa fiżika u mentali kif ukoll is-sikurezza. Dan għandu jsir flimkien mal-imsieħba soċjali Ewropej li bħalissa huma involuti fin-negozjati dwar id-diġitalizzazzjoni. Din hija kwistjoni ta’ urġenza minħabba ż-żieda bla preċedent ta’ din il-forma ta’ xogħol fin-“normalità l-ġdida”;

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjoni soda tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-COVID-19 bħala marda okkupazzjonali u jtenni l-importanza tal-obbligi tal-impjegaturi biex jiżguraw kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema mobbli u migranti, inklużi l-ħaddiema staġjonali;

42.

jilqa’ l-fatt li, permezz tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni qed tantiċipa l-bidliet fid-dinja l-ġdida tax-xogħol minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll it-tranżizzjoni diġitali, iżda wkoll, b’mod aktar ġenerali, il-prevenzjoni tal-mard relatat max-xogħol.

Brussell, is-26 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  The return on prevention: Calculating the costs and benefits of investments in occupational safety and health in companies (Ir-redditu fuq il-prevenzjoni: Nikkalkulaw l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-investimenti fis-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali fil-kumpaniji), ISSA, Ġinevra, 2011.

(2)  COM(2020) 65 final.

(3)  ĠU C 440, 18.12.2020, p. 79.

(4)  Ibid.

(5)  ĠU C 440, 18.12.2020, p. 42.

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(7)  Artikoli 1 u 2 ta’ C190 – Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019 (Nru 190).


13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/13


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi

(2022/C 270/03)

Relatur:

Frida NILSSON (SE/Renew Europe), Membru ta’ Assemblea Lokali: Muniċipalità ta’ Lidköping

Dokument ta’ referenza:

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Progress fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi

COM(2021) 261 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza l-importanza tal-pollinaturi għas-sostenibbiltà tas-soċjetajiet u n-natura tagħna. il-pollinaturi jaqdu rwol ewlieni kemm fis-sistemi tal-ikel kif ukoll fiż-żamma tal-bijodiversità u tal-pajsaġġi. Għalhekk mhumiex biss il-pollinaturi domestikati li jeħtieġu appoġġ; għandhom jiġu pprovduti wkoll ħabitats vijabbli għall-pollinaturi selvaġġi, peress li huma parti mill-bijodiversità tan-natura. Il-pollinaturi domestikati għandhom jitqiesu bħala komplement għall-pollinaturi selvaġġi, u mhux bil-kontra;

2.

jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar x’inhuma l-pollinaturi, il-grad sa fejn huma kruċjali għall-funzjonament tal-ekosistemi tagħna u l-konsegwenzi li t-tnaqqis u l-estinzjoni tagħhom jista’ jkollhom fuq ħajjitna;

3.

jenfasizza r-rabta importanti bejn il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, u li dawn huma relatati ma’ xulxin u jaffettwaw lil xulxin. Id-differenzi fit-temperatura, il-kundizzjonijiet tat-temp li qed jinbidlu, it-telf tal-ħabitat u fatturi oħrajn ikkawżati minn klima li qed tinbidel qed ikollhom impatt dirett fuq it-tnaqqis tal-pollinaturi. Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità għandhom rwol importanti fl-adattament għat-tibdil fil-klima;

4.

japprezza l-opportunità biex jikkontribwixxi għall-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-appoġġ u ż-żamma ta’ popolazzjonijiet vijabbli u diversi ta’ pollinaturi u għalhekk jilqa’ r-rieżami tal-Kummissjoni Ewropea tal-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan is-suġġett (1);

5.

jilqa’ d-direzzjoni pożittiva meħuda mill-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi meta implimentata fl-2018. Madankollu, jinsab imħasseb li minn dak iż-żmien ’il hawn, kompliet ix-xejra li l-popolazzjoni tal-pollinaturi kompliet tonqos. Jinsab grat li r-Rapport ta’ Valutazzjoni Globali tal-IPBES dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi jikkonkludi li, minkejja azzjoni insuffiċjenti, mhuwiex tard wisq għall-klima u għall-bijodiversità, iżda hija meħtieġa azzjoni trasformattiva fil-livelli kollha;

6.

għalhekk, jappoġġja l-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali Nru 15/2020 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2) u għandu aspettattivi għoljin għar-reviżjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi;

7.

japprezza l-inklużjoni tal-objettivi għall-bijodiversità u l-pollinaturi f’diversi strateġiji u politiki tal-UE, bħall-PAK il-ġdida, l-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt;

8.

jappella għal miri legalment vinkolanti li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri l-pollinaturi, bħala parti mill-inizjattiva li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-miri għar-restawr tan-natura skont l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità; f’dan id-dawl, joffri li jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva ġdida tal-UE dwar il-Pollinaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ;

9.

L-objettivi deskritti biex jgħinu fl-appoġġ għall-pollinaturi jenħtieġ li jkollhom l-għan ukoll li jgħinu lill-Unjoni Ewropea tilħaq l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (3), b’mod partikolari, l-għanijiet li għandhom l-għan li jsostnu l-bijodiversità u l-ħabitats importanti għall-pollinaturi selvaġġi;

10.

jinsab konvint li s-soluzzjoni għat-tnaqqis fil-pollinaturi teħtieġ koordinazzjoni u strateġiji integrati, li jinvolvu s-setturi u l-isferi politiċi kollha. Huwa importanti li l-atturi rilevanti kollha jiġu involuti u li tittejjeb l-effiċjenza tal-isforzi eżistenti, għalkemm frammentati. L-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi attwali stabbiliet il-pedament, iżda issa teħtieġ aktar ħidma;

11.

jirrakkomanda li t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess tal-iżgurar ta’ popolazzjonijiet sostenibbli ta’ pollinaturi selvaġġi. Dan ifisser li s-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u bijoloġika jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod suffiċjenti fil-miżuri ta’ implimentazzjoni;

Il-pollinaturi bħala parti mid-distakk bejn iż-żoni rurali u urbani

12.

jenfasizza l-importanza li nħarsu lil hinn mill-politiki agrikoli meta l-għan huma li nwaqqfu it-tnaqqis tal-pollinaturi, peress li s-settur agrikolu u l-kontribut tiegħu għall-popolazzjonijiet ta’ pollinaturi selvaġġi li qed jonqsu diġà huwa rregolat b’ħafna modi u implimentat f’diversi politiki tal-UE;

13.

jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali lill-bdiewa konvenzjonali fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq il-pollinaturi, peress li l-agrikoltura organika u l-prattiki agroekoloġiċi diġà jipproteġu u jalimentaw il-pollinaturi b’ħafna modi. Ir-riċerka, l-innovazzjoni u sistema flessibbli għall-implimentazzjoni huma essenzjali biex jingħelbu l-isfidi, iżda anke biex ikun hemm settur agrikolu varjat;

14.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-fatturi li jniġġsu l-ambjent u li jiġi eżaminat l-estent sħiħ tagħhom – dawn imorru lil hinn mill-pestiċidi, bħat-tniġġis tad-dawl, pereżempju, li huwa ppruvat li jaffettwa l-pollinaturi fil-biċċa l-kbira, iżda baqa’ ma ġiex indirizzat;

15.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żoni urbani jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp pożittiv tal-bijodiversità, permezz ta’ ġonna botaniċi, allokazzjonijiet u ġonna residenzjali u lottijiet urbani battala, li jista’ jkollhom impatt dirett fuq il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet tan-naħal selvaġġi (4);

16.

iwissi li f’dinja ta’ bliet li qed jespandu, l-inkorporazzjoni tal-konservazzjoni tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-ippjanar u l-prattiki urbani hija essenzjali sabiex jiġu protetti l-popolazzjonijiet tal-pollinaturi, jingħata kontribut għad-diversità tagħhom u jinħolqu ħabitats ġodda;

17.

jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt li jqisu l-iżvilupp li jillimita d-drittijiet tas-sjieda u li jbiddel il-possibbiltà ta’ għajxien sostenibbli b’modi oħrajn. Dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġ li ma jikkunsidrawx biss il-kisbiet bijoloġiċi, iżda wkoll l-impatt negattiv possibbli fuq l-għajxien u l-ħajja tar-residenti;

Azzjoni fil-livell tal-UE

18.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-politiki, il-programmi u l-pjani ta’ rkupru wara l-pandemija jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità, inkluż it-trażżin tad-deklin inkwetanti tal-pollinaturi selvaġġi u dawk domestiċi;

19.

ekoskema għall-pollinaturi li tkun tinkludi: l-użu ta’ għelejjel annwali li huma attraenti għall-pollinaturi f’mill-inqas 10 % tal-art agrikola; minbarra l-perjodu li matulu joħorġu l-fjur tal-għelejjel perenni, it-tħawwil ta’ mill-inqas żewġ speċijiet ta’ pjanti li huma ta’ interess għall-pollinaturi bejn ringieli ta’ pjanti fil-produzzjoni, li joħorġu l-fjur fi żminijiet differenti tas-sena biex tiġi garantita sal-massimu d-disponibbiltà tar-riżorsi għall-pollinaturi; taħriġ għall-bdiewa dwar insetti ta’ benefiċċju u prattiki ta’ ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara; u miżuri li għandhom jittieħdu favur azjendi agrikoli li jiżguraw il-preżenza ta’ pollinaturi f’żoni mingħajr bijodiversità;

20.

jappella sabiex jitqiesu kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi u fil-politiki kollha, peress li l-parti l-kbira tal-interazzjoni tal-bniedem man-natura taffettwa l-ekosistemi, sa ċertu punt. Fir-rigward tal-pollinaturi, dan għandu jitqies b’mod partikolari fl-iżvilupp taż-żoni urbani, l-infrastruttura u konverżjonijiet oħrajn tal-użu tal-art;

21.

iwissi li, għalkemm l-awtoritajiet reġjonali u lokali jaġixxu bħala rabtiet diretti maċ-ċittadini Ewropej, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-objettivi għall-pollinaturi ma tinsabx f’idejhom biss. Il-gvernijiet nazzjonali u l-UE għandhom jikkontribwixxu għal din il-ħidma billi jappoġġjaw, jinkoraġġixxu u jikkoordinaw soluzzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati faċilment fuq skala lokali u reġjonali;

22.

jistieden lill-Kummissjoni tal-UE tappoġġja b’mod attiv kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, intiżi għas-setturi industrijali u l-pubbliku, permezz ta’ mezzi diġà eżistenti u ġodda;

23.

jiddispjaċih li l-pjattaformi li nbnew għall-bini tal-għarfien u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bħala parti mill-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi, bħaċ-ċentru tal-UE ta’ informazzjoni dwar il-pollinaturi, ma kinux kapaċi jilħqu lill-atturi kollha u għadhom mhumiex magħrufin biżżejjed. Jappella għalhekk sabiex il-finanzjament, l-għarfien u l-bini tal-kapaċità, kif ukoll l-aħjar prattiki, bħala parti mill-inizjattivi li jmiss tal-Kummissjoni jitfasslu u jiġu kkomunikati b’mod trasparenti, sabiex iċ-ċittadini mhux talli jkunu ispirati iżda jkunu jsiru wkoll kif jikkontribwixxu għall-kompitu tal-ħolqien ta’ ħabitats sostenibbli għall-pollinaturi;

24.

iħeġġeġ li l-Inizjattiva riveduta dwar il-Pollinaturi tinvestiga kif in-networks u l-organizzazzjonijiet eżistenti jistgħu jintużaw biex jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki mal-awtoritajiet lokali u reġjonali ġewwa u barra l-UE;

25.

joffri, konsegwentement, li jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea biex l-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi ssir parti mill-inizjattivi eżistenti tal-UE, bħall-Pjattaforma għall-Ekoloġizzazzjoni Urbana u l-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi;

26.

itenni li l-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżvilupp tal-pollinaturi għandhom rwol importanti fl-analiżi tal-effiċjenza ta’ kwalunkwe miżuri li jiġu implimentati. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkondividi qafas ta’ rappurtar u monitoraġġ li jista’ jintuża mill-awtoritajiet sottonazzjonali għal dan il-għan. Sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u appoġġ sempliċi fl-istabbiliment ta’ programmi standardizzati ta’ monitoraġġ tal-pollinaturi fil-livelli lokali u reġjonali, l-isforzi għandhom isegwu l-aħjar prattiki eżistenti;

27.

jinnota r-rabta mill-qrib bejn l-ispeċijiet indiġeni ta’ fjuri u l-ispeċijiet indiġeni jew il-varjazzjonijiet tal-pollinaturi u jappella, għalhekk, li jsir investiment fl-għarfien, fil-preservazzjoni u fil-produzzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet bħala mezz ta’ appoġġ għall-pollinaturi;

28.

għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa kif l-impenn li jitħawlu mill-inqas tliet biljun siġra addizzjonali f’żoni urbani fl-UE sal-2030 jista’ jiġi estiż u marbut mal-inklużjoni ta’ aktar tħawwil ta’ speċijiet ta’ fjuri indiġeni;

29.

jixtieq li l-isforzi biex jiġu żgurati popolazzjonijiet b’saħħithom tal-pollinaturi selvaġġi u miżuri ta’ bijosigurtà effettivi rilevanti għall-pollinaturi, kif ukoll l-inkoraġġiment għall-użu ta’ pjanti lokali, jiġu inklużi bħala objettiv fil-pjani strateġiċi nazzjonali tal-PAK li għandhom jiġu approvati fl-2022, biex issir pressjoni għal aktar azzjoni. Għal implimentazzjoni faċli u korretta, din ir-responsabbiltà għandha tkun tal-Istati Membri;

Azzjoni fil-livell lokali u reġjonali, u l-involviment tal-KtR

30.

jenfasizza l-possibilitajiet u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi, issa u ferm aktar fil-futur;

31.

jemmen fil-bżonn ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transkonfinali, meta jiġu adottati u implimentati miżuri ambjentali. Għall-pollinaturi, il-kurituri bijoloġiċi huma essenzjali biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-popolazzjonijiet. Dawn it-tipi ta’ kompiti huma adatti sew għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jistgħu, permezz tal-kooperazzjoni, jimplimentaw miżuri b’mod faċli li jikkontribwixxu għal popolazzjonijiet sostenibbli ta’ pollinaturi;

32.

jinnota wkoll l-importanza li minbarra l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti wkoll is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet tal-għarfien, il-bdiewa lokali u s-settur privat. Sabiex jittieħed il-vantaġġ sħiħ ta’ dawn l-atturi, il-ħidma tagħhom u l-innovazzjoni fi ħdan is-setturi tagħhom, l-Inizjattiva l-ġdida dwar il-Pollinaturi għandha toħloq qafas effiċjenti għal inizjattivi volontarji, għarfien, għanijiet u rapporti komuni. Dan ma jippermettix biss li dawn l-atturi jgħinu ħalli jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Inizjattiva, iżda wkoll biex imorru lil hinn;

33.

jagħti l-impenn tiegħu li, meta jkun qed jaħdem fuq kwistjonijiet ambjentali, b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mal-bijodiversità, se jqajjem kuxjenza u jenfasizza l-importanza tal-objettivi li jappoġġjaw il-pollinaturi, se jistabbilixxi rwoli ċari għall-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jikkontribwixxu għat-treġġigħ lura tat-telf tal-pollinaturi u se jappoġġja l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali u lokali għall-pollinaturi, anke bħala parti mill-kampanja dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali;

34.

jenfasizza l-importanza li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-programmi tal-pollintauri wkoll. Hemm opportunitajiet ekonomiċi u opportunitajiet għall-inklużjoni soċjali billi ssir enfasi fuq dawn il-programmi;

35.

jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jkompli l-kooperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea, speċjalment fir-reviżjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-bijodiversità li jikkonċernaw il-pollinaturi;

36.

joffri li jniedi Network tal-Pollinaturi bħala proġett pilota, fejn l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jikkondividu l-għarfien u l-aħjar prattiki ma’ xulxin, immirati b’mod partikolari lejn iċ-ċentri urbani;

37.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar il-kundizzjonijiet tal-pollinaturi, peress li l-għarfien dwar l-ispeċijiet indiġeni u l-flora u l-fawna lokali huwa essenzjali biex nifhmu l-kundizzjonijiet lokali kemm tal-pollinaturi selvaġġi kif ukoll ta’ dawk domestikati, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà huma familjari mal-kundizzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom;

38.

jistieden lill-membri tal-KtR biex imexxu bl-eżempju u jorganizzaw djalogi u laqgħat miftuħa fil-livelli lokali u reġjonali, filwaqt li jiżguraw li s-soċjetà ċivili u l-NGOs jiġu inklużi, peress li wieħed mill-aktar aspetti importanti tal-Inizjattiva dwar il-Pollinaturi huwa li nsibu u nindirizzaw il-lakuni fl-għarfien;

39.

jistieden lir-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali u reġjonali jevalwaw sa liema punt tista’ tinkiseb ir-riabilitazzjoni tas-siti industrijali u storiċi tagħhom flimkien ma’ Soluzzjonijiet Ibbażati fuq in-Natura bil-għan li tiżdied il-popolazzjoni tal-pollinaturi;

40.

jemmen bis-sħiħ li l-inklużjoni tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fid-dibattitu u fis-sejbien ta’ soluzzjonijiet hija kruċjali, peress li l-implimentazzjoni tal-objettivi ambjentali u t-tisħiħ tal-popolazzjonijiet selvaġġi tal-pollinaturi b’mod partikolari se jieħdu diversi ġenerazzjonijiet. F’dan ir-rigward, jilqa’ l-eżempji eżistenti, bħall-involviment taż-żgħażagħ fil-proġett STING (5), iżda jistieden lill-membri tal-KtR u lill-komunità usa’ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jibnu fuq dan l-eżempju u jissuġġerixxu attivitajiet ta’ involviment taċ-ċittadini fil-bliet u r-reġjuni tagħhom, immirati b’mod partikolari lejn it-tfal u ż-żgħażagħ. Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-pollinaturi tista’ ssir parti mill-attivitajiet tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022;

L-involviment Ewropew fuq skala globali

41.

jilqa’ s-sinjal pożittiv mibgħut mill-COP15 tal-KDB tan-NU u l-wegħda tagħha li treġġa’ lura t-telf ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti sal-2030;

42.

jenfasizza l-importanza kruċjali tad-Dikjarazzjoni ta’ Edinburgu għall-gvernijiet sottonazzjonali, il-bliet u l-awtoritajiet lokali dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 (6) u jimpenja ruħu wkoll li jippromwovih fil-qasam tad-diskussjoni dwar il-pollinaturi fil-livell Ewropew u dak internazzjonali;

43.

jistieden lill-Kummissjoni tindirizza t-tnaqqis tal-pollinaturi fuq livell internazzjonali u tippromovi miżuri b’saħħithom għall-protezzjoni tal-pollinaturi u l-ħabitats tagħhom matul it-tieni parti tal-COP15 tal-KDB, skedata li ssir mill-25 ta’ April sat-8 ta’ Mejju 2022 f’Kunming, iċ-Ċina;

44.

jinsab lest li jkun parti mid-delegazzjoni tal-UE għall-COP15 tal-KDB tan-NU u COPs futuri tal-KDB sabiex jikkondividi l-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-miżuri li diġà implimentaw u anke biex jgħin ħalli nibnu fuq is-suċċess tad-Dikjarazzjoni ta’ Edinburgh fil-qasam tal-protezzjoni tal-pollinaturi u l-ħabitats tagħhom.

Brussell, is-26 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  2019/2803 (RSP) u Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati mill-Kunsill fit-3782 laqgħa tiegħu li saret fis-17 ta’ Diċembru 2020 (14168/20)

(2)  https://op.europa.eu/webpub/eca/special-reports/pollinators-15-2020/mt/

(3)  L-Aġenda tan-NU għall-2030. https://sdgs.un.org/2030agenda

(4)  Baldock, K. C. R. et al. Where is the UK’s pollinator biodiversity? The importance of urban areas for flower-visiting insects (Fejn tinsab il-bijodiversità tal-pollinaturi tar-Renju Unit? L-importanza taż-żoni urbani għall-insetti li jżuru l-fjuri – mhux disponibbli bil-Malti). Proc. R. Soc. B Biol. Sci. 282, 20142849 (2015), Theodorou, P. et al. The structure of flower visitor networks in relation to pollination across an agricultural to urban gradient. (L-istruttura tan-networks tal-viżitaturi tal-fjuri fir-rigward tal-pollinazzjoni fuq gradjent agrikolu sa dak urban – mhux disponibbli bil-Malti). Funct. Ecol. 31, 838–847 (2017).

(5)  Proġett STING (Xjenza u Teknoloġija għall-Insetti Pollinaturi) mill-Kummissjoni Ewropea.

(6)  https://www.gov.scot/publications/edinburgh-declaration-on-post-2020-biodiversity-framework/


13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/18


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE

(2022/C 270/04)

Relatur:

Juan Manuel MORENO BONILLA (ES/PPE), President tar-Reġjun ta’ Andalusija

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-viżjoni fit-tul bħala pass kruċjali lejn l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali u koeżjoni territorjali reali madwar l-UE u jiddispjaċih li din il-viżjoni fit-tul ġiet ippubblikata wara l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) 2021-2027, peress li din il-politika setgħet ikkontribwixxiet għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija, b’mod partikolari permezz ta’ bilanċ finanzjarju aħjar bejn l-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK;

2.

jiddispjaċih, f’dan ir-rigward, li l-istrumenti għall-konverġenza bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki tal-iżvilupp rurali twarrbu matul ir-riforma reċenti tal-PAK, u jiddeplora b’mod partikolari li twarrbet l-integrazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027;

3.

jenfasizza l-ħtieġa li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tqis dawk li jgħixu fiż-żoni rurali biex tirrifletti l-ideat, il-ħtiġijiet u l-potenzjal tagħhom u biex tiżgura s-sjieda tagħhom fil-proġett Ewropew; jirrakkomanda li jiġu inkorporati tekniki ta’ komunikazzjoni u ta’ reklamar immirati lejn it-titjib tal-immaġni kollettiva tal-modi ta’ għajxien rurali, fejn jiġu enfasizzati l-vantaġġi kulturali u soċjali tal-ħajja rurali;

4.

itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-rabtiet li huma ta’ benefiċċju reċiproku bejn iż-żoni rurali u urbani jiġu integrati fil-politiki kollha tal-UE skont l-għanijiet tal-koeżjoni territorjali billi jsir l-aħjar użu mill-interdipendenza qawwija bejn iż-żoni rurali u urbani;

5.

jirrakkomanda li jiġi mmodifikat il-mudell territorjali attwali bbażat fuq il-belt-reġjun b’tali mod li jkun ibbażat fuq rabta komuni u bbilanċjata rurali-urbana. Dan il-mudell għandu jinkorpora mekkaniżmi ta’ kumpens li jippermettu sinerġiji reċiproċi u jibbilanċjaw mill-ġdid ir-rabta rurali-urbana. Barra minn hekk, mudell urban u rurali komuni jtejjeb il-ħarsien tal-bijodiversità u jippromovi d-diversità bijokulturali fiż-żoni rurali;

6.

jesprimi dispjaċir li l-linji gwida dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet ta’ appoġġ u l-finanzjament taż-żoni rurali fil-livell tal-UE se jitħejjew biss għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2028-2034;

7.

jenfasizza l-urġenza li tiġi stabbilita Aġenda Rurali Ewropea li tiddefinixxi l-proposti konkreti għal azzjoni immedjata li jappoġġjaw il-viżjoni fit-tul, u jirrakkomanda li dawn il-proposti konkreti jkunu akkumpanjati minn riżorsi, strumenti finanzjarji u miri kwantitattivi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-viżjoni fit-tul;

8.

jipproponi, f’dan ir-rigward, li tiġi introdotta allokazzjoni minima ta’ fondi Ewropej għal proġetti li mhumiex agrikoli f’żoni rurali, kemm fil-programmi operattivi tal-politika ta’ koeżjoni kif ukoll fi programmi Ewropej oħra ta’ intervent dirett (Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u Ewropa Kreattiva);

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tintegra l-perspettiva rurali fil-politiki kollha tal-UE. Il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali tal-azzjoni konġunta fil-livell tal-UE joħolqu l-kundizzjonijiet għal politiki aktar effettivi u koerenti. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-bijodiversità u l-karatteristiċi bijokulturali jitqiesu fil-valutazzjonijiet tal-impatt;

10.

jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-implimentazzjoni tal-viżjoni għaż-żoni rurali fl-UE. Il-politika rurali tal-UE għandha, kemm jista’ jkun, tiġi integrata fil-politika ta’ koeżjoni sabiex tinkiseb politika ta’ żvilupp koerenti. L-iżvilupp rurali jaffettwa aktar industriji milli l-agrikoltura biss, u għalhekk il-finanzjament m’għandux ikun limitat għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Iċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet uniċi lokali għandhom ikunu l-punt tat-tluq tal-politika rurali tal-UE, bl-istess mod bħal fil-politika ta’ koeżjoni;

11.

jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex japplikaw l-approċċ ibbażat fuq il-mekkaniżmu ta’ verifika rurali għall-istrateġiji u l-investimenti tagħhom fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2021-2027 għall-PAK, għall-fondi ta’ koeżjoni kif ukoll għall-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza;

12.

jenfasizza li l-iżvilupp rapidu u kosteffettiv tal-enerġiji rinnovabbli, l-infrastruttura u t-teknoloġiji relatati tagħhom, kif meħtieġ għall-Patt Ekoloġiku, jista’ jseħħ biss fiż-żoni rurali u magħhom. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lir-restrizzjonijiet fuq in-network tal-enerġija u l-ħżin tal-enerġija, b’mod partikolari fil-livell transfruntier. Il-kapaċità tal-grilja ta’ vultaġġ għoli qed toqrob (f’xi postijiet) lejn il-limitu tagħha u jeħtieġ li jsir investiment biex tibqa’ tiġi żgurata trażmissjoni kontinwa tal-enerġija rinnovabbli. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li ż-żoni rurali jipparteċipaw fis-suċċess ekonomiku;

13.

ifakkar fl-importanza tad-djalogu bejn il-partijiet kollha involuti fil-futur taż-żoni rurali, mil-livelli differenti ta’ gvern u amministrazzjoni sas-setturi ekonomiċi ewlenin, in-negozji, iċ-ċittadini u l-akkademja; inizjattivi bħal fora, kunsilli jew roundtables fejn jipparteċipaw l-atturi kollha, huma għodda eċċellenti biex jiġu diskussi l-isfidi ewlenin taż-żoni rurali u biex jinstabu soluzzjonijiet li jqisu l-ilħna kollha;

14.

jikkonferma l-impenn tal-KtR li jikkollabora mal-Kummissjoni Ewropea biex jitnieda l-Patt Rurali din is-sena u jiġi żviluppat mudell ta’ governanza li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati kollha jimplimentaw b’suċċess il-viżjoni fit-tul. Itenni li l-involviment tal-atturi lokali u reġjonali f’din l-istruttura ta’ governanza se jkun essenzjali biex l-azzjonijiet jiġu adattati għar-rekwiżiti u l-ħtiġijiet taż-żoni rurali, b’attenzjoni speċjali għal dawk depopolati jew f’riskju demografiku;

15.

fid-dawl tal-potenzjal tagħhom li jrażżnu d-depopolazzjoni u joħolqu opportunitajiet soċjali u ekonomiċi marbuta mal-Patt Ekoloġiku, il-KtR huwa tal-fehma li l-aktar oqsma strateġiċi li fihom għandha tiġi żviluppata l-kooperazzjoni lokali u reġjonali taħt il-Patt Rurali huma: il-bijoekonomija u b’mod speċifiku l-agrikoltura ambjentalment sostenibbli, is-sistemi tal-ikel reġjonali, il-mobbiltà, il-konnettività diġitali, il-vitalità soċjali u kulturali kif ukoll l-innovazzjoni fis-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali u l-enerġiji rinnovabbli; iqis li ż-żoni rurali huma f’pożizzjoni li jixprunaw b’mod attiv it-tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli Ewropea meħtieġa;

16.

iqis li jeħtieġ li jsir aktar progress fir-rigward tal-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema pprovduti min-natura (ilma, nutrijenti, akwiferi, regolazzjoni tat-temperatura, bijodiversità, eċċ.), li l-benefiċċji tagħhom jistgħu jiġu mmirati parzjalment lejn il-muniċipalitajiet rurali biex jappoġġjaw l-organizzazzjoni u l-iżvilupp tat-territorju tagħhom;

17.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-finanzjament pubbliku għaż-żoni rurali biex jikkomplementa l-inizjattivi privati fejn il-forniment ta’ beni pubbliċi ma jkunx kummerċjalment vijabbli, u biex tqis l-għajnuna mill-Istat u inċentivi fiskali fejn xieraq;

18.

josserva li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi l-istatus speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif stabbilit fl-Artikolu 349 tat-TFUE, u jaqbel mal-ħtieġa li jiġu pprovduti servizzi ta’ interess ġenerali fiż-żoni rurali tar-reġjuni ultraperiferiċi ta’ kwalità li tkum komparabbli ma’ dik ipprovduta fiż-żoni urbani;

19.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi partikolari li jiffaċċjaw ir-reġjuni rurali milquta mill-bidla strutturali jew il-proċessi ta’ trasformazzjoni meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, bħal fil-produzzjoni tal-enerġija jew fl-industrija tal-karozzi; dawn jinkludu reġjuni turistiċi rurali li jridu jlaħħqu max-xejriet tal-ivvjaġġar li qed jinbidlu minħabba l-COVID-19 u t-tibdil fil-klima;

20.

jipproponi li jitfasslu kriterji, punti ta’ referenza u objettivi trasparenti li bihom jiġi mmonitorjat l-impatt tal-azzjonijiet u l-progress li sar fit-twettiq tal-viżjoni;

21.

fl-aħħar nett, iħeġġeġ li jiġu stabbiliti indikaturi li huma partikolarment rilevanti għaż-żoni rurali, pereżempju f’termini tal-perċentwal tal-popolazzjoni b’aċċess għat-trasport pubbliku u għal servizzi diġitali, tal-impjieg, tas-saħħa jew tal-kultura fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bil-għan li jiġi żgurat li l-viżjoni għall-futur taż-żoni rurali tal-UE, speċjalment f’żoni b’popolazzjoni baxxa, tagħmel parti mill-istrumenti kollha li l-UE tistabbilixxi għar-reviżjoni ekonomika regolari tal-objettivi u l-miri;

22.

jenfasizza li biex l-aġenda rurali tkun ta’ suċċess, din ma tistax tinbena fuq il-bażi ta’ “approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd”. Għal din ir-raġuni, iqis li hemm bżonn ta’ kategorizzazzjoni preċiża tat-territorji u r-rikonoxximent tal-ispeċifiċitajiet lokali, abbażi ta’ parametri u indikaturi trasparenti u oġġettivi li jagħtu valur ġenwin lill-iżvilupp rurali;

23.

ifakkar li wieħed mill-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (1), huwa li jiġu appoġġjati ż-żoni urbani u rurali bi żvantaġġi ġeografiċi jew demografiċi. Jipprevedi wkoll li l-Istati Membri jallokaw appoġġ finanzjarju tal-UE għal proġetti li jippromovu l-iżvilupp ekonomiku ambjentalment sostenibbli u soċjalment integrat fir-reġjuni kkonċernati;

24.

ifakkar, f’dan ir-rigward, li għandu jingħata appoġġ partikolari liż-żoni tal-livell NUTS 3 jew żoni b’popolazzjoni baxxa ħafna, jew bi tnaqqis medju fil-popolazzjoni ta’ aktar minn 1 % bejn l-2007 u l-2017;

25.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, bi qbil mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni, tiżgura li l-inizjattiva dwar il-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tinkludi soluzzjonijiet prattiċi u mezzi ta’ appoġġ biex ilaħħqu mal-bidliet demografiċi li dawn qed jiffaċċjaw; itenni wkoll il-ħtieġa li jiġu implimentati proġetti integrati bbażati fuq il-programmi operattivi tal-politika ta’ koeżjoni, il-pjani strateġiċi nazzjonali tal-PAK u l-istrumenti tal-pjani strateġiċi nazzjonali għall-irkupru. Fl-aħħar nett, il-proġetti ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (Interreg) qed jiżviluppaw l-aħjar prattiki transfruntiera biex jiġu żviluppati approċċi innovattivi u proġetti pilota għall-iżvilupp territorjali integrat ta’ funzjonijiet urbani-rurali;

26.

jappella għal regoli li għandhom jiġu applikati b’mod aktar sempliċi għall-fondi Ewropej u għall-għajnuna mill-Istat f’żoni rurali, titjib fil-mod kif jiġu kkombinati u bidla għal mudell ta’ fondi multipli li jiżgura l-integrazzjoni taż-żoni rurali fil-politiki kollha;

27.

iqis li l-linji gwida li għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha tal-2024 biex jittejbu l-appoġġ u l-finanzjament għaż-żoni rurali għandhom ikopru perjodu itwal ta’ programmazzjoni, u ma jkunux limitati għall-qafas 2028-2034;

28.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li t-tfassil tal-futur taż-żoni rurali jinkorpora metodoloġiji ta’ sistemi li jiżguraw viżjonijiet ta’ żvilupp sistemiċi u mhux parzjali jew lineari;

29.

jirrimarka li huwa importanti li l-analiżi tal-problemi tal-bidu taż-żoni rurali tkun kompluta, peress li huwa fuq din il-bażi li jiġu stabbiliti l-oqsma ta’ azzjoni fil-Pjan futur. F’dan ir-rigward, iqis li fost il-problemi ekonomiċi analizzati jeħtieġ li jiġu inklużi xi oħrajn, bħall-kompetizzjoni esterna, l-instabbiltà tal-prezzijiet, jew id-distribuzzjoni tal-valur miżjud gross bejn id-diversi atturi fil-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur agrikolu u agroalimentari;

30.

iqis li, fir-rigward tal-opportunitajiet, issir referenza marġinali biss u b’mod insuffiċjenti għal setturi bħat-turiżmu rurali sostenibbli jew l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni u kulturali, li, madankollu, għandhom rwol importanti ħafna fil-bini ta’ ekonomiji rurali diversifikati li huma b’saħħithom u sostenibbli. Hemm ħafna attivitajiet komplementari possibbli relatati maż-żoni rurali minbarra s-settur agrikolu, bħaċ-ċikliżmu, il-kaċċa, il-mixi, il-mikoloġija, it-turiżmu tal-benesseri, il-gastronomija, l-attivitajiet artistiċi bbażati fil-komunità jew workshops artistiċi u ċentri tal-wirjiet, eċċ.;

31.

jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ żvilupp ekonomiku sod u bbilanċjat u li jagħti attenzjoni lill-mudelli ta’ negozju ġodda. Xi partijiet tal-kampanja, speċjalment żoni tal-fruntiera li jbatu minn depopolazzjoni u minn djar u binjiet vojta, qed isiru dejjem aktar vulnerabbli għal attivitajiet kriminali destabbilizzanti. Dawn iċajpru r-regoli u jnaqqsu s-sens ta’ sikurezza u tal-kwalità tal-ħajja;

32.

ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-futur taż-żoni rurali jiddependi minn kemm jinżammu jew jinġibdu ż-żgħażagħ li jiddeċiedu li jiżviluppaw il-proġett ta’ ħajjithom fiż-żoni rurali; sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi taż-żoni rurali, huwa għalhekk essenzjali li ż-żgħażagħ jiġu involuti b’mod attiv, li jinħolqu fora sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom u jiġu appoġġjati inizjattivi taż-żgħażagħ fiż-żoni rurali;

33.

jenfasizza li, fil-kuntest attwali, b’popolazzjonijiet li dejjem qed jixjieħu, huwa urġenti li tiġi żviluppata ekonomija ta’ servizzi essenzjali li tiggarantixxi aċċessibbiltà universali għall-prodotti u s-servizzi kollha f’ambjenti rurali, b’attenzjoni speċjali għall-anzjani; jilqa’ wkoll is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 bħala opportunità biex jingħataw opportunitajiet u appoġġ għaż-żgħażagħ rurali biex isiru ċittadini attivi u atturi ta’ bidla pożittiva;

34.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis fost il-proposti tagħha f’dan il-qasam il-kontribut li jistgħu jagħmlu s-sistemi ta’ prestazzjoni distribwita ta’ servizzi, f’oqsma bħall-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, iċ-ċentri ta’ kura għall-anzjani, l-iskejjel u ċ-ċentri għall-ħin ta’ wara l-iskola, ħwienet, jew l-għajnuna tal-bżonnijiet soċjali u tas-saħħa (qasam li fih it-teknoloġiji bħat-telemediċina u t-telekura jkunu jistgħu jagħmlu kontributi ewlenin), u jħeġġeġ, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi miri għall-Istati Membri sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà għas-servizzi, b’mod ġenerali, u għas-servizzi pubbliċi bażiċi, b’mod partikolari fiż-żoni rurali;

35.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża d-data kollha dwar is-sistemi, kemm soċjali, tas-saħħa u tal-bżonnijiet soċjali u tas-saħħa, fl-approċċ armonizzat propost dwar l-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni ġeospazjali, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi promossa l-interoperabbiltà tas-sistema tas-servizzi soċjali, u ta’ din ma’ sistemi oħra ta’ protezzjoni soċjali;

36.

jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu inkorporati indikaturi dwar il-faċilità ta’ aċċess għas-servizzi tal-kura soċjali u s-servizzi bbażati fil-komunità fil-qasam tal-protezzjoni soċjali;

37.

jenfasizza l-importanza li jsir l-aħjar użu mill-interdipendenzi rurali-urbani f’kuntest ta’ ekwità territorjali. L-investimenti intermuniċipali għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha, sabiex, fl-aħjar xenarju, iż-żoni urbani u dawk rurali jibbenefikaw bl-istess mod;

38.

iħeġġeġ li dan l-effett pożittiv jiġi rifless biżżejjed fil-kalkoli tal-investiment per capita skont it-tip ta’ reġjun (urban, intermedju, rurali), u għalhekk jitlob li jiġu riveduti l-mekkaniżmi għat-tħejjija tal-indikaturi tal-benefiċċju ta’ dawn l-investimenti, b’attenzjoni speċjali fuq il-bliet u l-irħula żgħar fiż-żoni rurali;

39.

jenfasizza li l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli hija opportunità għaż-żoni rurali biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku u tiġi ġġenerata awtosuffiċjenza enerġetika f’żoni funzjonali (inklużi ż-żoni rurali-urbani taħt l-influwenza tagħhom). Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza li aċċettazzjoni akbar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tista’ tinkiseb billi tinżamm parti mid-dħul iġġenerat fil-komunitajiet rurali;

40.

jipproponi li, fejn adatti, jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet għall-promozzjoni tar-rilokalizzazzjoni, li toħloq opportunitajiet għal sinerġiji rurali bejn l-agrikoltura, il-manifattura u l-kummerċ, u b’hekk tgħin biex tissaħħaħ l-ekonomija lokali billi jinħolqu l-impjiegi u jitnaqqas il-qgħad.

41.

jenfasizza l-importanza li l-qafas offrut mill-viżjoni għandu għall-iżvilupp ta’ infrastruttura fiżika li ttejjeb il-konnettività tat-territorji rurali u tiffaċilita d-dinamizzazzjoni soċjoekonomika tagħha, u jissuġġerixxi li l-aġendi urbani jiġu inklużi fih;

42.

itenni l-importanza li t-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport maż-żoni periurbani u rurali jitmexxa prinċipalment permezz tal-awtoritajiet reġjonali u l-programmi operattivi tagħhom, sabiex tiġi żgurata azzjoni kkoordinata, effettiva u effiċjenti. Għal dan il-għan, iż-żoni rurali u periurbani għandhom ikunu allinjati bis-sħiħ mal-istrateġiji tat-trasport urban (2);

43.

jirrimarka li d-disponibbiltà ta’ żoni kummerċjali għandha rwol importanti fl-iżvilupp sod u sostenibbli tal-ekonomija reġjonali u fl-istabbiliment jew l-espansjoni ta’ negozji rurali; dan huwa partikolarment minnu għar-reġjuni li għaddejjin minn bidla strutturali; l-awtoritajiet lokali jeħtieġu appoġġ għall-identifikazzjoni proattiva, id-deżinjazzjoni jew l-adattament għal skop ġdid ta’ żoni adatti; il-kamp ta’ applikazzjoni u l-ispejjeż tas-servizzi tal-ippjanar li għandhom jiġu pprovduti ħafna drabi huma problematiċi;

44.

jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-infrastruttura u l-kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjuni rurali transfruntiera; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sistema tal-infrastruttura u tas-servizzi tat-trasport pubbliku fiż-żoni rurali, u li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ mobilità sostenibbli li jnaqqsu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar u l-konnessjonijiet bejn iż-żoni urbani u periurbani u dawk rurali;

45.

jenfasizza li l-objettiv fundamentali tal-politika tal-ippjanar spazjali u tat-trasport għandu jiżgura li tiġi massimizzata l-possibbiltà li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet filwaqt li tiġi minimizzata l-ħtieġa tal-ivvjaġġar, u għalhekk huwa importanti li t-trasport jiġi razzjonalizzat;

46.

jirrakkomanda li din l-offerta ta’ mobilità multimodali tqis ukoll il-kontribut li l-mudelli ta’ mobilità bħala servizz (Mobility as a Service — MaaS) jistgħu jagħtu biex jimxu lejn konnettività fiżika aktar sostenibbli għall-enerġija u l-klima; pereżempju, is-servizzi fuq talba u l-mobilità kondiviża li jgħaqqdu l-komunitajiet rurali maċ-ċentri tat-trasport, b’mod partikolari l-istazzjonijiet tal-karozzi tal-linja u tal-ferrovija, jistgħu jagħtu spinta lill-użu tat-trasport sostenibbli;

47.

jaqbel mal-Kummissjoni li d-diġitalizzazzjoni għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp taż-żoni rurali, li tippermettilhom jużaw soluzzjonijiet innovattivi biex itejbu r-reżiljenza tagħhom, u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom; għal din ir-raġuni, jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-promozzjoni ta’ oqfsa li jippermettu li l-azzjoni pubblika tiġi kkomplementata b’azzjoni privata biex jiġu ffinanzjati dawk l-infrastrutturi diġitali li, għalkemm mhumiex kompetittivi biżżejjed mil-lat ta’ investiment privat, huma madankollu kompetittivi ħafna mil-lat soċjali u territorjali. Il-broadband huwa vitali għaż-żoni rurali biex ikollhom aċċess għal servizzi differenti u biex isolvu l-kwistjonijiet li jirriżultaw mid-distakki diġitali li jiffaċċjaw diversi komunitajiet;

48.

jenfasizza li l-investiment fl-infrastrutturi diġitali mhuwiex biżżejjed jekk ma jkunx akkumpanjat minn provvista suffiċjenti ta’ taħriġ u titjib tal-ħiliet diġitali, li huwa speċjalment urġenti fiż-żoni rurali. Din l-osservazzjoni hija wkoll ta’ importanza kbira fir-rigward taż-żieda taċ-ċiberkriminalità globali u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi provduta ċibersigurtà suffiċjenti għan-negozji lokali li huma parti mill-katina tal-provvista tal-ikel;

49.

ifakkar li ż-żoni rurali kienu partikolarment vulnerabbli għall-pandemija tal-COVID-19 b’ekonomija ħafna inqas diversifikata, proporzjon kbir ta’ ħaddiema f’impjiegi essenzjali, u infrastruttura tal-Internet fqira. Madankollu, l-effetti tal-pandemija f’termini taż-żieda fit-telexogħol joffru opportunitajiet biex jikkumbattu d-depopolazzjoni rurali u jiġġeneraw attivitajiet soċjali u ekonomiċi rurali innovattivi fit-tul, u għalhekk, jissuġġerixxi li jitqiesu, fost miżuri oħra, il-promozzjoni ta’ spazji tax-xogħol kondiviżi (koħidma) ta’ kwalità għolja fil-komunitajiet rurali, jew il-ħolqien ta’ inċentivi fiskali, biex iħeġġu lill-kumpaniji privati jippermettu lill-impjegati jaħdmu f’postijiet ġeografiċi tal-għażla tagħhom;

50.

iqis li, fil-linja ta’ ħsieb li “li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” kif stabbilit mill-President von der Leyen, jeħtieġ li jkollna għodod biex niżguraw l-eżistenza ta’ “ekosistemi ta’ innovazzjoni” f’kull territorju li joffru opportunitajiet għall-intraprendituri kollha u għall-mikrointrapriżi rurali u l-SMEs kollha, li jippromovu dawn l-intrapriżi rurali żgħar; għandu jkun hemm ukoll provvista adegwata ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-ħiliet diġitali; jew f’ħiliet personali (soft skills) oħra relatati mal-innovazzjoni miftuħa; b’kooperazzjoni interreġjonali u internazzjonali; u b’kommunikazzjoni interkulturali;

51.

jilqa’ l-appoġġ miżjud mogħti lil inizjattivi minn isfel għal fuq bħal LEADER/CLLD — li jiddefinixxu r-rwol ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali — u “rħula intelliġenti”, u jħeġġeġ li jitkompla jittieħed vantaġġ mit-tagħlimiet meħuda taħt dawn il-programmi u approċċi; f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni, għall-benefiċċji tal-iżvilupp reġjonali bbażat fuq l-innovazzjoni, iffukat fuq il-ħiliet u l-involviment lokali; il-korpi kompetenti fil-livell reġjonali u nazzjonali għandhom joqogħdu attenti għal ideat innovattivi minn partijiet interessati lokali u jappoġġjawhom fejn possibbli;

52.

jitlob li jiġi inkluż il-kontribut tal-wirt kulturali u l-professjonisti kulturali, artistiċi u kreattivi sabiex jinbena futur sostenibbli u prosperu, u li ssir ħidma biex tittejjeb l-attraenza turistika taż-żoni rurali, li ttejjeb ukoll il-benesseri ekonomiku ta’ dawn iż-żoni ta’ residenzi;

53.

iqis ta’ valur kbir il-fatt li fil-Komunikazzjoni jiġi rikonoxxut ir-rwol li għandha l-ġestjoni sostenibbli tal-agrikoltura u l-forestrija fir-reżiljenza għall-emerġenza klimatika u r-riskji assoċjati magħha u fil-protezzjoni tal-bijodiversità;

54.

ifakkar li t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali għandhom jiżguraw ukoll soċjetajiet aktar reżiljenti u ġusti li jqisu l-ħtiġijiet tal-membri kollha tal-komunità rurali, inklużi dawk minn gruppi żvantaġġati u dawk li jgħixu f’żoni inqas żviluppati u f’faqar kbir. Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali għandhom ikunu ġusti u inklużivi;

55.

iqis li l-agrikoltura għandha tkun kapaċi tkompli taqdi rwol ewlieni fiż-żoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjani strateġiċi li kull Stat Membru ser ikollu jiżviluppa fil-qasam tal-politika agrikola komuni l-ġdida (PAK) jitfasslu sew biex jiġi żgurat li s-settur primarju Ewropew jimxi fid-direzzjoni indikata mill-Patt Ekoloġiku, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt jew l-Istrateġija għall-Bijodiversità, u li jippermettu strateġiji lokali bbażati fuq il-karatteristiċi ta’ kull reġjun u l-promozzjoni ta’ prodotti lokali tipiċi;

56.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi proċessi ta’ awtosuffiċjenza u sikurezza tal-ikel ibbażati fuq prodotti lokali, ta’ kwalità u produzzjoni organika, fi ħdan il-qafas ta’ ktajjen ta’ valur innovattivi li jiġġeneraw organizzazzjoni territorjali; jinnota l-istabbiliment ta’ perċentwal ta’ 25 % għall-agrikoltura ekoloġika fis-snin li ġejjin, li għalih huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ u akkumpanjament u politiki ta’ inċentivi għall-konsum allinjati ma’ dan l-għan;

57.

jenfasizza li t-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura għadu urġenti u għalhekk huwa rilevanti li tiġi appoġġjata l-inklużjoni kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tan-nisa rurali fl-agrikoltura u fis-sjieda tal-azjendi agrikoli. Għal din ir-raġuni, jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet taż-żgħażagħ biex jiġu mħeġġa jibqgħu fiż-żoni rurali. Iqis essenzjali li jissaħħu l-politiki pubbliċi biex tiġi promossa l-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli li jinkoraġġixxu l-inklużjoni tal-bdiewa żgħażagħ sabiex tiġi indirizzata l-problema tat-tiġdid ġenerazzjonali, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal programmi biex jintegraw fis-suq tax-xogħol kif ukoll għażliet ta’ edukazzjoni u titjib tal-ħiliet/taħriġ mill-ġdid ipprovduti fil-livell lokali u attivitajiet kulturali. Jaqbel ukoll dwar l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa, billi titwessa’ l-offerta tax-xogħol u t-taħriġ u jiġu promossi miżuri ta’ konċiljazzjoni għall-ħajja professjonali u tal-familja;

58.

jenfasizza l-fatt li għadd sinifikanti ta’ ħaddiema tas-sengħa kellhom jiffaċċjaw bidliet fil-kundizzjonijiet u r-regolamenti tax-xogħol wara l-Brexit u l-UE għandha tikkunsidra oqfsa ta’ appoġġ għal dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema migranti. Barra dan, aktar importanti minn hekk, l-UE għandha tikkunsidra li tniedi programmi li jgħinu u jimmotivaw il-ħaddiema tas-sengħa emigrati biex jirritornaw lura d-dar, lejn pajjiżhom.

59.

iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati prezzijiet u introjtu ġusti għal dawk li jaħdmu fl-agrikoltura. Għalhekk għandu jiġi kontrobilanċjat kull żvilupp tas-suq li jkun ta’ detriment għan-negozji. Il-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE għandha tikkontrobilanċja żviluppi bħal dawn fi żminijiet ta’ kriżi permezz ta’ għodod bħall-adattament ġenerali tal-volumi ta’ produzzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq u bħar-regoli dwar l-aċċess kwalifikat għas-suq;

60.

jinnota li proporzjon sinifikanti ta’ xogħol fis-settur agrikolu u tal-ikel fl-UE jitwettaq minn ħaddiema migranti. Dan il-grupp tal-popolazzjoni ħafna drabi jgħix f’kundizzjonijiet prekarji. Għalhekk, l-aġenda soċjali tal-UE jeħtieġ li tissaħħaħ biex jinkisbu pagi minimi ogħla, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u integrazzjoni soċjali;

61.

jenfasizza li t-tranżizzjoni ekoloġika se tinvolvi ħafna sfidi għal bosta bdiewa u dawk li jrabbu l-bhejjem fl-Ewropa. Sabiex jiġu sfruttati b’suċċess l-opportunitajiet emerġenti, jenħtieġu sforzi speċjali fil-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ li jippermettu, minn naħa, li jiġi trażmess il-messaġġ dwar l-agrikoltura l-ġdida sostenibbli u ekoloġika, u, min-naħa l-oħra, jiġu offruti l-ħiliet biex titqiegħed fil-prattika;

62.

jenfasizza l-importanza li jiġi evitat l-abbandun tal-art u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-art, li għalih huwa meħtieġ li jiġi żviluppat qafas regolatorju adatt, jitfasslu għodod ġodda għall-ġestjoni tal-art u jiġu pprovduti l-inċentivi fiskali u l-finanzjament meħtieġa;

63.

jinnota li l-prevalenza dejjem tikber ta’ predaturi kbar u ż-żieda assoċjata fl-għadd ta’ bhejjem tal-irziezet maqtula fil-mergħat tal-muntanji qed jikkawżaw aktar problemi għall-biedja fil-muntanji u, f’ħafna każijiet, qed iwasslu għall-abbandun tal-biedja fil-mergħat tal-muntanji, li fir-reġjuni muntanjużi hija essenzjali biex jiġi evitat li reġjuni sħaħ jiġu koperti mill-foresti, u b’hekk tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħarsien tan-natura, il-kontroll tal-erożjoni u l-kapital imprezzabbli rappreżentat mill-ħarsien tal-pajsaġġ f’żoni rurali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex:

tistabbilixxi sistema komuni Ewropea ta’ ġestjoni tal-ilpup u karnivori kbar, speċjalment l-orsijiet;

tesplora emenda għall-annessi tad-Direttiva dwar il-Ħabitats sabiex tadatta b’mod aktar rapidu għall-iżvilupp ta’ popolazzjonijiet partikolari u biex tirrilassa jew issaħħaħ l-istatus ta’ protezzjoni skont il-pajjiż jew l-unità territorjali fejn ġustifikat minn żvilupp pożittiv jew negattiv tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet protetti u t-theddida għall-attivitajiet ta’ ragħa;

twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni għall-adattament tal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-miżuri meħtieġa għall-kundizzjonijiet lokali sabiex il-popolazzjonijiet tal-predaturi, b’mod partikolari dawk tal-ilpup u l-orsijiet, ikunu jistgħu jiġu ġestiti aħjar;

64.

jenfasizza r-rwol importanti li l-infrastrutturi agrikoli għandhom fl-organizzazzjoni u l-koeżjoni tat-territorju taż-żoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposti tagħha miżuri li jiggarantixxu l-istat ta’ konservazzjoni u manutenzjoni tagħhom, bħal toroq fundamentalment permeabbli (mhux pavimentati);

65.

jitlob li l-inizjattivi ewlenin dwar iż-żoni reżiljenti jinkludu ż-żoni tal-għargħar għall-kontribut enormi tagħhom biex tiżdied ir-reżiljenza għall-klima, tiġi żviluppata agrikoltura b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jiġu appoġġjati l-protezzjoni mill-għargħar u l-ġestjoni tal-għargħar. Ħafna xmajjar u pjanuri tal-għargħar huma ta’ natura transkonfinali (għalhekk jippreżentaw sfida) u huma parti mill-kwistjoni usa’ li tikonċerna l-ilma. Għalhekk hemm bżonn ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

66.

ifakkar li viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali għandha ssaħħaħ ir-rwol tar-reġjuni fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tagħhom; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni dwar il-PAK, tal-pjani strateġiċi nazzjonali u tal-pjani nazzjonali għall-irkupru ntilfet opportunità biex jiġi żgurat li l-proġetti futuri ta’ investiment f’żoni rurali jkunu verament ankrati fil-bżonnijiet ta’ kull żona lokali, kif ġew identifikati mill-partijiet interessati taż-żoni stess;

67.

jitlob li l-istrateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti eżistenti f’kull reġjun tal-UE, imfassla abbażi ta’ proċess ta’ parteċipazzjoni ta’ diversi atturi, jiġu kkunsidrati aktar fil-futur fl-iżvilupp ta’ proċessi ta’ ppjanar b’impatt fuq iż-żoni rurali;

68.

jitlob li jingħata biżżejjed appoġġ tekniku għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet lill-awtoritajiet rurali, li huma aktar dgħajfa f’termini tal-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-ipprogrammar — speċjalment tal-istrateġiji fit-tul — u n-nefqa tal-fondi tal-UE; jitlob ukoll għal appoġġ, kundizzjonijiet aktar sempliċi jew inizjattivi speċifiċi li jippermettu lill-muniċipalitajiet b’popolazzjonijiet iżgħar u b’inqas persunal amministrattiv jieħdu sehem ukoll fi proġetti Ewropej;

69.

jenfasizza l-importanza tal-ekonomija soċjali bħala għodda essenzjali għall-iżvilupp, attwali u futur, taż-żoni rurali tal-UE, billi taqdi rwol strateġiku fl-isfida demografika u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, toħloq negozji aktar reżiljenti li huma marbuta b’mod qawwi mal-komunità tagħhom, tankra l-popolazzjonijiet lokali, u tagħti spinta lill-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, it-taħriġ tal-ħaddiema tagħhom, l-intraprenditorija femminili, id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u t-tiġdid ġenerazzjonali.

Brussell, is-26 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(2)  COM (2021) 811 — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Ġdid tal-UE għall-Mobilità Urbana (mhux disponibbli bil-Malti).


13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/25


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tibdil fil-klima: lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-Patt Ekoloġiku Ewropew

(2022/C 270/05)

Relatur:

Kata TÜTTŐ (HU/PSE), Membru tal-Assemblea Lokali Ġenerali ta’ Budapest, l-Ungerija

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jafferma mill-ġdid li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur Ewropew fundamentali, u prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea minqux fit-Trattati u rikonoxxut fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 8 tat-TFUE jirrikjedi li l-Unjoni, fl-attivitajiet kollha tagħha, għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, u li tippromovi l-ugwaljanza;

2.

ifakkar li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-impjieg sigur u adattabbli u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma affermati mill-ġdid fil-Prinċipji 2, 5 u 9 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li ġie pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017;

3.

jirrikonoxxi li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima għandhom impatti differenzjati skont il-ġeneru u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jeħtieġ li jiġu promossi għal azzjoni klimatika effettiva (1); f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza fundamentali li jiġi żgurat li n-nisa jkunu involuti fit-tfassil ta’ strateġiji u azzjonijiet ta’ rispons għall-kriżijiet għal Ewropa aktar demokratika u inklużiva;

Approċċ abbażi tal-ġeneru għat-tibdil fil-klima

4.

jinnota li l-perikli minħabba t-tibdil fil-klima, it-tisħin globali, it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali għandhom impatt akbar fuq is-sezzjonijiet l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali u tal-UE; jindika li t-tibdil fil-klima jinvolvi riskji komposti li jaggravaw id-disparitajiet soċjoekonomiċi li ilhom jeżistu għal żmien twil u l-iżbilanċi eżistenti, bħalma huma dawk relatati man-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq, għalhekk, li l-politiki u l-miżuri dwar il-klima li jittraskuraw l-analiżi u l-perspettiva tal-ġeneru x’aktarx iżidu l-inugwaljanzi soċjali;

5.

jirrikonoxxi li, fil-livell globali, in-nisa u l-bniet huma aktar vulnerabbli għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u d-deterjorament fl-ambjent naturali, filwaqt li fl-istess ħin huma atturi b’saħħithom li jista’ jkollhom rwol ewlieni fit-triq lejn in-newtralità klimatika u fl-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jisħaq li, fid-dawl tal-esperjenzi u l-perspettivi speċifiċi tagħhom, l-irġiel u n-nisa spiss jista’ jkollhom ħsieb innovattiv komplementari u ideat kreattivi, u li l-integrazzjoni tal-analiżijiet tal-ġeneru fil-politika dwar il-klima u r-rikonixximent ta’ identitajiet differenti tal-ġeneru jwessgħu l-applikazzjoni tagħha fis-soċjetà kollha kemm hi; Għaldaqstant, japprova d-Dikjarazzjoni Konġunta ppubblikata mill-Gvern Skoċċiż u l-entità UN Women fil-COP26 li titlob li r-rwol tan-nisa u l-bniet jiġi avvanzat fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima (2);

6.

iqis li għandu jsir iżjed fil-qasam tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-rigward tat-tibdil fil-klima; dan għandu jsir billi jittejbu l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar teknoloġiji, miżuri u azzjonijiet relatati mal-klima u billi jiġi promoss ir-rwol tagħhom fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawn l-oqsma;

7.

jenfasizza li hemm rabtiet importanti bejn il-ġeneru, it-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra; jindika li n-nisa u l-irġiel probabbilment jiġu affettwati b’mod differenti mill-impatti tat-tibdil fil-klima, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-ħajja tagħhom u kapaċitajiet differenti għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-livell individwali, għandhom perċezzjonijiet differenti tal-għażliet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u attitudnijiet differenti dwarhom, u huma affettwati b’mod differenti mill-impatti soċjoekonomiċi tal-politika dwar il-klima; jemmen li n-nisa u l-bniet jistgħu jaġixxu bħala xpruni tat-tibdil fl-imġiba;

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru

8.

jisħaq li l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, mifhuma bħala l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneri fit-tħejjija, it-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki, il-miżuri regolatorji u l-programmi ta’ nfiq, hija għodda utli biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titmexxa ’l quddiem, u jiddeplora l-użu ħażin tagħha;

9.

jinnota li filwaqt li l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 (3) tirrikonoxxi li l-politiki u l-programmi fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jkollhom impatt fuq in-nisa b’mod differenti mill-irġiel, l-integrazzjoni mħabbra tal-perspettiva tal-ġeneru fl-inizjattivi ewlenin kollha tal-Kummissjoni mhijiex espliċita (4); jirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li “[t]enfasizza l-ħtieġa ta’ perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet u l-għanijiet fil-Patt Ekoloġiku, inklużi azzjonijiet ta’ integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u azzjonijiet sensittivi għal kwistjonijiet ta’ ġeneru” (5);

10.

jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri huma element ewlieni tas-sett ta’ għodod tal-UE għall-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, li mhumiex żviluppati bis-sħiħ, peress li l-ġbir u l-użu ta’ data, statistika u informazzjoni diżaggregati skont il-ġeneru u intersezzjonali huma ta’ spiss neqsin; jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-Gwida tal-EIGE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fir-rigward tal-Ġeneri (6); jisħaq li d-data miġbura madwar l-Istati Membri tal-UE għandha tinkludi indikaturi tal-ġeneru aktar komprensivi mingħajr ma żżid il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.

jilqa’ l-ħolqien ta’ Task Force għall-Ugwaljanza (7) biex tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza, inklużi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità tal-ġeneru, fil-politiki kollha tal-UE, mit-tfassil sal-implimentazzjoni tagħhom u jappella lill-UE biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u b’hekk tevita approċċ minn fuq għal isfel;

12.

jafferma li l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tibdil fil-klima hija fattur importanti ieħor għal politiki u programmi dwar it-tibdil fil-klima li huma aktar sensittivi għal kwistjonijiet dwar il-ġeneru u effiċjenti; jitlob li l-parteċipazzjoni tan-nisa tingħata spinta f’azzjonijiet madwar l-istituzzjonijiet tal-UE, il-korpi tal-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha ta’ governanza; jistieden lill-Kunsill biex jiżblokka d-Direttiva “Nisa fuq il-Bordijiet” (8);

13.

jisħaq li l-irkupru mill-pandemija huwa opportunità biex tinbena normalità ġdida u biex ir-riżorsi jiġu diretti mill-ġdid lejn soċjetà newtrali għall-klima u bbilanċjata bejn il-ġeneri; jinkoraġġixxi l-użu ta’ għodod għall-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri biex jiġu implimentati l-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza, minħabba li dawn għandhom ikunu l-bażi mhux biss għall-irkupru iżda għal soċjetà sostenibbli, ġusta u ugwali;

14.

jitlob riċerka msaħħa sabiex jiġu identifikati l-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll biex jiġi esplorat kif l-istereotipi tal-ġeneri jaffettwaw il-konsum u l-istil tal-ħajja tan-nies; jinkoraġġixxi l-użu ta’ mudelli bħall-GAMMA (Metodu ta’ Valutazzjoni tal-Ġeneru għall-Mitigazzjoni u l-Adattament) sabiex tinkiseb data aħjar;

15.

iqis li approċċ sensittiv għall-ġeneru jista’ jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet taċ-ċittadini kollha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fl-aħjar pożizzjoni biex jintegraw il-kwistjonijiet soċjali mal-azzjoni klimatika, peress li huma l-eqreb livell ta’ gvern għan-nies u għandhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni; jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa trid tiġi promossa fil-livelli istituzzjonali kollha, u l-UE għandha tkun l-ewwel waħda;

16.

jitlob li l-Patt Klimatiku Ewropew jirrifletti dan l-approċċ abbażi tal-ġeneru biex jinfluwenza l-azzjonijiet u l-politiki dwar il-klima, permezz tal-inklużjoni ta’ attivitajiet ta’ outreach speċifiċi ffokati fuq is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien dwar il-perspettivi tal-ġeneru;

17.

jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet fost l-NGOs relatati mal-ġeneru u mal-ambjent, l-organizzazzjonijiet ċivili, u tal-ħolqien ta’ kampanja ta’ għarfien u programmi ta’ taħriġ komuni;

L-impjiegi ekoloġiċi

18.

jilqa’ l-fatt li rkupru ekoloġiku, diġitali u inklużiv se jipprovdi opportunitajiet għal impjiegi ġodda jew biex in-nisa qiegħda fit-tul jiġu integrati mill-ġdid fl-ekonomija diġitali; isostni li t-triq lejn ekonomija sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se tippermetti l-inklużjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru biex tiġi evitata l-perpetrazzjoni tal-inugwaljanzi eżistenti;

19.

jisħaq li l-kontribut tan-nisa f’attivitajiet ekonomiċi ekoloġiċi huwa essenzjali biex jinkiseb żvilupp sostenibbli ekwu, u dan għandu jidher u jkun apprezzat; in-nisa u l-bniet jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-opportunitajiet fil-qasam tal-intraprenditorija ekoloġika u jsiru impjegaturi ekoloġiċi pjuttost milli impjegati, sakemm dan ma joħloqx insigurtà tal-impjiegi għall-impjegati li jiġu mġiegħla jaħdmu għal rashom;

20.

jirrikonoxxi li t-teknoloġija se jkollha rwol aktar importanti f’ħajjitna kollha u li huwa kritiku li s-settur tat-teknoloġija għandu jixbah lis-soċjetà li jaqdi; jitlob li jiġu stabbiliti u appoġġjati finanzjarjament programmi speċjalizzati ta’ taħriġ dwar l-għarfien diġitali u teknoloġiku għan-nisa u l-bniet, bħala opportunità ewlenija biex titħaffef l-innovazzjoni fil-qasam tat-tranżizzjoni tal-klima u l-enerġija, billi jissaħħu l-kwoti tal-ġeneru f’dawn is-setturi u jiġi żgurat aċċess ugwali għal opportunitajiet professjonali (9);

21.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala element importanti tat-tranżizzjoni diġitali, jinkludu l-perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta’ politiki ta’ edukazzjoni diġitali, jippromovu skemi ta’ mentoraġġ li jixħtu dawl fuq in-nisa fl-ICT bħala mudell eżemplari, jeliminaw il-preġudizzju diskriminatorju konxju u mhux konxju tal-ġeneru mill-algoritmi, jipprevjenu l-vjolenza ċibernetika, bl-użu tal-isforzi u l-programmi tal-Erasmus+, isaħħu l-kunċett ta’ approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja fl-edukazzjoni tal-adulti, b’mod partikolari fiż-żoni remoti, u jimpedixxi l-esklużjoni diġitali;

22.

iqis li t-telexogħol għandu l-potenzjal li jwassal għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment għan-nisa, dment li l-familji jkollhom aċċess għal indukrar tat-tfal affordabbli u ta’ kwalità għolja matul il-ħinijiet kollha tax-xogħol, inklużi attivitajiet ta’ divertiment għal tfal akbar fl-età, u dment li tingħata attenzjoni partikolari lill-esponiment akbar tan-nisa għall-vjolenza domestika (10); jisħaq fuq l-importanza li l-ksib tal-iżjed hardware teknoloġiku reċenti u l-Internet b’veloċità għolja għat-telexogħol isiru bi spiża affordabbli, u li jitkabbar il-programm WIFI4EU għal żoni remoti; iħeġġeġ li jitħaffef il-pass tal-implimentazzjoni ambizzjuża tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja privata tal-2019;

Trasport u mobbiltà pubbliċi sostenibbli

23.

jenfasizza li t-tfassil u l-ippjanar tas-sistemi tat-trasport fil-bliet għandhom iqisu aktar l-iżbilanċ bejn il-ġeneri, peress li n-nisa għandhom it-tendenza li jużaw it-trasport pubbliku aktar ta’ spiss; jisħaq li s-sikurezza u s-sens ta’ sigurtà huma punti ewlenin li għandhom jittejbu; ix-xejriet tal-mobbiltà (inklużi l-iskedi) u d-deċiżjonijiet dwar il-konvenjenza tar-rotot jeħtieġ li jikkunsidraw l-użijiet differenti skont il-ġeneru (aktar vjaġġar għall-irġiel u vjaġġi iqsar u b’diversi waqfiet għan-nisa), kif ukoll id-diviżjoni tar-rwoli fis-suq tax-xogħol u fl-ekonomija tal-kura; jisħaq li l-kapaċità fis-sigħat kwieti, l-affidabbiltà u l-flessibbiltà tas-servizzi tat-trasport pubbliku jeħtieġ li jakkomodaw aħjar ix-xejriet ta’ mobbiltà ta’ persuni ta’ kull ġeneru u età, filwaqt li jitqies li kull muniċipalità, reġjun u pajjiż għandhom jorganizzaw is-servizzi tat-trasport pubbliku tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet u r-realtajiet differenti, kemm fl-ambjent urban kif ukoll f’dak rurali;

24.

jemmen li inizjattivi sempliċi, kosteffettivi u replikabbli bħall-permess lill-karozzi tal-linja ta’ billejl jieqfu fuq talba jew il-provvista ta’ korsiji għar-roti jew passaġġi pedonali li jkunu mdawla sew u separati kompletament mit-traffiku jistgħu jikkontribwixxu għal mobbiltà aktar sostenibbli, sikura u inklużiva;

25.

jemmen li inizjattivi bħan-Nisa fit-Trasport – Pjattaforma tal-UE għall-bidla jistgħu jgħinu biex jissaħħaħ l-impjieg tan-nisa fis-settur tat-trasport u jipprovdu forum tajjeb għall-iskambju tal-aħjar prattiki, u jitlob segwitu permezz tal-ambaxxaturi tad-diversità fit-trasport;

26.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippjana kif tgħaqqad il-bliet ma’ żoni remoti, kif ukoll kif tiżgura l-aċċessibbiltà u l-konnettività, u użu akbar ta’ vetturi nodfa, ferroviji u karozzi tal-linja elettriċi-ibridi għal distanzi itwal; jemmen f’soluzzjonijiet diġitali għal rotot ta’ biljetti fuq applikazzjonijiet differenti; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Aġenda Urbana l-ġdida tal-UE;

Faqar enerġetiku

27.

jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass tant li telgħu għall-ogħla livell tagħhom f’dawn l-aħħar deċennji fl-Istati Membri kollha, sitwazzjoni li titfa’ ħafna nisa u rġiel fil-faqar enerġetiku u tal-mobilità; jitlob lill-UE tieħu kontromiżuri fit-tul, u tinvestiga wkoll għalfejn hemm żieda fil-prezzijiet tal-enerġija;

28.

jirrikonoxxi li l-faqar enerġetiku jaffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat minħabba inugwaljanzi strutturali fid-distribuzzjoni tal-introjtu, l-istatus soċjoekonomiku tagħhom u d-differenza bejn il-kura tal-ġeneri;

29.

jiġbed l-attenzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (11) li titlob lill-UE tinkludi dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki u l-programmi kollha tagħha dwar l-enerġija li jiffukaw speċjalment fuq in-nisa u l-bniet li qed jiffaċċjaw il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni;

30.

iħeġġeġ liċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-UE għall-Faqar Enerġetiku (EPAH) biex japplika perspettiva tal-ġeneru fl-indikaturi tiegħu u meta juża u jiġbor id-data;

31.

itenni li l-faqar enerġetiku huwa sfida soċjetali ewlenija, b’konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti fil-livelli kollha ta’ governanza; jenfasizza, għaldaqstant, li l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku tirrikjedi l-użu ta’ diversi strumenti ta’ politika pubblika li jqisu kemm l-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali;

32.

jilqa’ inizjattivi bħall-Pjattaforma għall-Bidla u l-Prezz tan-Nisa fl-Enerġija bħala mezz ta’ promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-proposta tal-Fond Soċjali għall-Klima biex jiġu kkumpensati l-impatti żbilanċjati mil-lat soċjoekonomiku tal-estensjoni tal-ETS għat-trasport u l-bini, li ssemmi l-ħtieġa li jitqiesu l-perspettivi tan-nisa; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jkunu ggwidati minn approċċi sensittivi għall-ġeneru; jilqa’ t-tnedija li ġejja tal-Pjattaforma għall-Ugwaljanza għas-Settur tal-Enerġija mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Enerġija;

Baġitjar skont il-ġeneru

33.

ifakkar li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru jfisser l-integrazzjoni tal-proċess baġitarju kollu skont il-ġeneru bil-għan li tiġi inkorporata perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-deċiżjonijiet kollha dwar id-dħul u l-infiq;

34.

jirrikonoxxi bi tħassib il-konklużjonijiet ta’ żewġ studji reċenti mwettqa mill-Parlament Ewropew fl-2015 u fl-2017, li jenfasizzaw l-applikazzjoni insuffiċjenti tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-prattika u n-nuqqas ta’ progress f’termini ta’ bbaġitjar skont il-ġeneru bejn l-2015 u l-2017 (12);

35.

huwa mħasseb dwar il-fatt li l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri ma tidhirx fost il-11-il kriterju ta’ valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar il-Faċilità ta’ Reżiljenza; b’mod aktar ġenerali, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (13) tqis li l-baġit tal-UE ma jintegrax il-perspettiva tal-ġeneru, peress li elementi ewlenin, bħall-analiżi tal-ġeneru, l-objettivi relatati mal-ġeneru, l-indikaturi u l-obbligu ta’ rendikont permezz tar-rapportar, fil-biċċa l-kbira huma neqsin;

36.

juri dispjaċir għall-fatt li l-Komunikazzjoni reċenti dwar “Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli” (14) ma tinkludix perspettiva tal-ġeneru, speċjalment meta wieħed iqis li l-inklużività hija waħda mill-erba’ oqsma ewlenin identifikati fejn huma meħtieġa azzjonijiet addizzjonali biex is-sistema finanzjarja tappoġġja bis-sħiħ it-tranżizzjoni tal-ekonomija lejn is-sostenibbiltà;

37.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimpenjaw ruħhom għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru, biex jiżguraw li jiġi applikat għall-baġit kollu tal-UE u li r-rakkomandazzjonijiet mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jiġu implimentati bis-sħiħ, inkluż fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali u l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

38.

jiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tal-KtR “Unjoni ta’ Ugwaljanza: L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025” (15), li talbet rabta aktar ċara bejn l-istrateġija u l-prijoritajiet u l-istrateġiji politiċi ewlenin tal-UE, b’mod partikolari t-tranżizzjonijiet lejn ekonomija newtrali għall-klima; jilqa’ l-Opinjoni tal-KtR “Id-dimensjoni tal-ġeneru tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni 2021-2027, b’enfasi fuq it-tħejjija tal-programmi operattivi” (16), li tisħaq fuq il-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri titqies bħala kriterju trasversali għat-tfassil tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, għan li għandu jiġi segwit mill-programmi u fattur b’saħħtu li jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u bbilanċjat tal-politika ta’ koeżjoni;

Livell internazzjonali

39.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li jadotta l-Politika dwar il-Ġeneru (17) u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni tiegħu biex jintegra l-ġeneru fil-ħidma tiegħu;

40.

jilqa’ l-istabbiliment ta’ aġenda speċifika fi ħdan il-proċess tal-UNFCCC – il-Programm ta’ Ħidma Msaħħaħ ta’ Lima dwar il-Ġeneru u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ġeneru (GAP) – biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ implimentazzjoni reattiva għall-ġeneru u sensittiva għall-ġeneru tal-politiki dwar il-klima u jiġi żgurat li l-ilħna tan-nisa jiġu inklużi fid-diskussjoni globali u n-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, u jilqa’ b’mod speċifiku l-ħatra ta’ punti fokali nazzjonali dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima (magħrufa bħala NGCCFPs) għal kull parti;

41.

jinnota r-rikonoxximent fil-Konvenzjonijiet ta’ Rio (18) tar-rabtiet importanti bejn kwistjonijiet relatati mal-ġeneru; jindika d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing bħala l-aktar sors komprensiv ta’ gwida u ispirazzjoni biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fejn iż-Żona K (19) b’mod partikolari tenfasizza r-riskji akbar għan-nisa u l-bniet ta’ ekosistemi fraġli u d-degradazzjoni tal-istat tad-dinja naturali, aggravati mill-effetti tat-tibdil antropoġeniku fil-klima;

42.

jitlob li jiġi żgurat li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) u l-kontributi stabbiliti fil-livelli reġjonali u lokali se jqisu l-fatturi soċjali, u l-perspettiva tal-ġeneru;

43.

jilqa’ l-preambolu tal-Ftehim ta’ Pariġi, li jitlob li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa biex jgħin li jiġi limitat it-tisħin globali; iħaddan ir-rikonoxximent li sar fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-ħtieġa li jiġu adottati approċċi li jirrispondu għal kwistjonijiet tal-ġeneru fl-adattament (l-Artikolu 7(5)) u l-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (l-Artikolu 11(2)), iżda jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta’ azzjoni f’dan ir-rigward u għan-nuqqas ta’ pjan ta’ implimentazzjoni ulterjuri.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill — Tħejjijiet għal-laqgħat tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (Glasgow, 31 ta’ Ottubru – 12 ta’ Novembru 2021).

(2)  https://www.gov.scot/publications/glasgow-womens-leadership-statement-gender-equality-climate-change/

(3)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020DC0152&from=MT

(4)  Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final), il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 (COM(2020) 562 final) u l-qafas dwar il-klima u l-enerġija (COM(2014) 15 finali); Pjaneta Nadifa għal Kulħadd (COM(2018) 773 final) ma jagħmlu l-ebda referenza għall-ġeneru; Il-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (1386/2014/UE) jagħmel referenza waħda għan-nisa tqal bħala grupp vulnerabbli. Dan minkejja l-fatt li l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri hija obbligu tat-Trattat; li qafas għall-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa stabbilit fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (COM(2020) 152) u li l-UE hija impenjata għall-SDGs (2015) u għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UNFCCC dwar il-Ġeneru (2019). https://onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.1111/jcms.13082

(5)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

(6)  https://eige.europa.eu/gender-mainstreaming/toolkits/gender-impact-assessment/guide-gender-impact-assessment

(7)  Unjoni ta’ ugwaljanza: l-ewwel sena ta’ azzjonijiet u kisbiet | Kummissjoni Ewropea (europa.eu) (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Dan għandu jiżgura li mill-inqas 40 % tal-membri fuq bordijiet ta’ kumpaniji mhux eżekuttivi jkunu nisa.

(9)  Eżempji ta’ suċċess: Nisa u Bniet fil-Forum STEM, Girls Go Circular (eit.girlsgoċirkolari.eu); il-ħolqien tat-tabella ta’ valutazzjoni tan-Nisa fl-Ekonomija Diġitali bħala parti integrali mill-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI).

(10)  https://www.unwomen.org/en/news/in-focus/in-focus-gender-equality-in-covid-19-response/violence-against-women-during-covid-19

(11)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.

(12)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2020/660058/EPRS_BRI(2020)660058_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_10/SR_Gender_mainstreaming_EN.pdf

(14)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52021DC0390&qid=1635262292392&from=MT

(15)  CDR 2016/2020.

(16)  CDR 2503/2021.

(17)  https://www.ipcc.ch/site/assets/uploads/2020/05/IPCC_Gender_Policy_and_Implementation_Plan.pdf

(18)  Jiġifieri l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni.

(19)  https://beijing20.unwomen.org/sites/default/files/Headquarters/Attachments/Sections/CSW/PFA_E_Final_WEB.pdf


13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/31


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”

(2022/C 270/06)

Relatur:

Marieke SCHOUTEN (NL/Il-Ħodor), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Nieuwegein

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Perkors għal Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”

COM(2021) 400 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”, il-fatt li tiffoka fuq is-saħħa u l-approċċ trasversali tagħha. Il-KtR jistenna bil-ħerqa l-azzjonijiet u l-proposti mħabbra u jappella sabiex dawn ikunu koerenti u konsistenti ma’ xulxin u ma’ inizjattivi oħra tal-Patt Ekoloġiku;

2.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’konformità mal-prinċipji tat-TFUE stabbiliti fl-Artikolu 191(2) (il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali għandha tiġi evitata kemm jista’ jkun fis-sors u li min iniġġes għandu jħallas);

3.

jenfasizza li t-tniġġis huwa problema ewlenija li jeħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ governanza effettiva f’diversi livelli u approċċ transfruntiera: kull parti interessata għandha r-rwol tagħha, u hija meħtieġa azzjoni fil-livelli kollha biex jiġi evitat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkonfrontati b’effetti negattivi fi tmiem il-katina;

4.

jemmen bis-sħiħ li t-tniġġis huwa sintomu ta’ sistema ta’ produzzjoni u konsum mhux sostenibbli li hija bbażata fuq tkabbir u estrazzjoni illimitati u li tista’ tiġi indirizzata biss jekk nimxu lejn ekonomija ċirkolari;

5.

jilqa’ s-sitt miri ewlenin għall-2030 bħala bidu, iżda jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-miri mhumiex ġodda. Il-KtR iħoss li huma meħtieġa aktar ambizzjoni u azzjoni addizzjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda proċess kontinwu ta’ reviżjoni u aġġustament tal-miri lejn il-viżjoni tal-2050 u biex tinkludi lill-KtR f’dan il-proċess;

6.

jenfasizza li dawn l-għanijiet fil-livell Ewropew se jirrikjedu approċċ ambizzjuż u integrat — b’kunsiderazzjonijiet ambjentali indirizzati sistematikament fl-oqsma ta’ politika kollha — li jgħaqqad l-ambizzjonijiet, l-iskedi ta’ żmien, il-proċeduri u l-għodod ta’ diversi politiki ambjentali;

7.

jilqa’ l-fatt li s-saħħa hija waħda mill-aspetti ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. L-integrazzjoni tat-tħassib dwar is-saħħa ambjentali hija kruċjali biex isiru l-bidliet meħtieġa biex jitnaqqas l-esponiment għal fatturi ta’ stress ambjentali, b’mod partikolari għall-persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet vulnerabbli (1), peress li t-tniġġis huwa l-kawża ambjentali ewlenija tal-imwiet prematuri fid-dinja;

8.

itenni l-ħtieġa li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu l-proposti taċ-ċittadini fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa rigward it-tniġġis żero, u jiżguraw li jiġu implimentati regoli ambizzjużi ġodda f’dan ir-rigward;

9.

jirrimarka li l-irkupru ta’ wara l-pandemija għandu jiffoka fuq l-approċċ “Saħħa Waħda”, li jirrikonoxxi l-interkonnettività bejn is-saħħa tal-bniedem, dik ambjentali u dik tal-annimali. L-approċċ Saħħa Waħda jeħtieġ li jkollu rwol ewlieni fl-għanijiet u l-leġiżlazzjoni jekk irridu niksbu sostenibbiltà u reġjuni b’saħħithom;

Żieda fil-prevenzjoni fis-sors

10.

jilqa’ l-ġerarkija l-ġdida ta’ tniġġis żero bbażata fuq “piramida inversa” iżda jiddispjaċih li r-rimedju u l-kumpens għall-ħsara relatata mat-tniġġis tingħata kunsiderazzjoni minima;

11.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex dan il-pjan ta’ azzjoni jissarraf f’azzjoni fil-prattika iżda jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom biss jekk jiġi stabbilit approċċ preventiv b’politiki effettivi bbażati fuq is-sors fil-livell tal-UE;

12.

jilqa’ r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) u l-approċċ aktar ambizzjuż immirat lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors. L-IED għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari;

13.

itenni li r-regoli dwar l-emissjonijiet huma approċċ partikolarment effettiv; għalhekk jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni biex dawn ir-regoli jiġu ssikkati, bħala mod aħjar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-sors;

14.

jappoġġja l-ħidma internazzjonali dwar l-aqwa tekniki disponibbli (BAT), inklużi t-teknoloġiji emerġenti, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet industrijali fejn titnaqqas il-firxa ta’ livelli ta’ emissjonijiet, sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti fil-livell internazzjonali;

15.

jappella sabiex ir-reviżjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti tad-dokument ta’ referenza tal-BAT (BREF) jitħaffu għal diversi inkwinanti industrijali u li jiġu applikati rekwiżiti tal-emissjonijiet aktar stretti bħala parti mir-rieżami tal-proċess ta’ Prevenzjoni u Kontroll Integrati tat-Tniġġis (IPPC);

16.

jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva dwar il-prodotti sostenibbli mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari fir-rigward tat-tniġġis ambjentali mill-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom — mill-estrazzjoni tal-materjal u l-produzzjoni sal-użu u r-riċiklaġġ. Jemmen li l-kontribut potenzjali tal-inizjattiva dwar il-prodotti sostenibbli għall-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jiġi speċifikat f’termini aktar konkreti;

Jissaħħaħ il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas

17.

jenfasizza li l-gvernijiet m’għandhomx jitħallew jaġixxu waħedhom: is-setturi kollha għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-kontroll tat-tniġġis u t-tiswija tal-ħsara ambjentali fis-sors;

18.

jappella sabiex il-prodotti u l-beni li jidħlu fl-UE jikkonformaw mal-istess standards ambjentali fis-seħħ fl-UE. Fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi applikat il-prinċipju Ewropew ta’ “min iniġġes iħallas”;

19.

jenfasizza li l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jirfed il-politika ambjentali tal-UE u jirrikjedi li min iniġġes iġorr l-ispejjeż tal-miżuri meħuda għall-prevenzjoni, il-kontroll u r-rimedju tat-tniġġis;

20.

jenfasizza r-Rapport (2) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li sab li l-kopertura u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas mhuwiex komplut u li attwalment il-gvernijiet spiss iġarrbu l-ispejjeż tat-tindif tat-tniġġis;

21.

jappella sabiex il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jiġi integrat aħjar fil-leġiżlazzjoni ambjentali, b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-limiti tal-emissjonijiet biex ikompli jitnaqqas it-tniġġis residwu u jiġi indirizzat it-tniġġis diffuż mis-sorsi kollha, inkluża l-agrikoltura;

22.

jenfasizza li l-produtturi jridu jsiru legalment u finanzjarjament responsabbli għall-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tniġġis tul il-katina tal-valur kollha permezz tar-responsabbiltà estiża tal-produttur għall-ispejjeż ambjentali u dawk għar-rimi tal-prodotti tal-konsumatur u l-materjali kollha tal-imballaġġ;

Implimentazzjoni u monitoraġġ aħjar

23.

jirrimarka li l-ispejjeż u l-benefiċċji mitlufa għall-UE jekk ma jintlħaqux il-miri ambjentali speċifikati fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jammontaw għal madwar EUR 55 biljun fis-sena (3);

24.

jenfasizza li mhux is-sustanzi niġġiesa kollha jagħmlu l-istess ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent u, għalhekk, analiżi bbażata fuq ir-riskju tista’ tippermetti li l-aspetti ekoloġiċi u ekonomiċi jiġu kkoordinati aħjar;

25.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kritiku fl-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali u industrijali u għandhom kompetenzi wesgħin fl-infurzar tal-kontroll tat-tniġġis u jilqa’ f’dan ir-rigward l-inizjattiva ewlenija 5: Kooperazzjoni fl-infurzar ta’ tniġġis żero;

26.

jiġbed l-attenzjoni għall-analiżi (4) tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), li turi li ħafna drabi l-implimentazzjoni subottimali tal-leġiżlazzjoni ambjentali hija r-riżultat ta’ koordinazzjoni ineffettiva bejn l-awtoritajiet, nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva, finanzjament insuffiċjenti, nuqqas ta’ għarfien u data, mekkaniżmi ta’ konformità insuffiċjenti u nuqqas ta’ integrazzjoni tal-politika. Il-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati b’rabta mat-Tniġġis Żero għandha trawwem koordinazzjoni aħjar bejn il-livelli kollha tal-gvern u fl-oqsma ta’ politika kollha. Il-KtR jappoġġja bis-sħiħ il-pjattaforma l-ġdida u jilqa’ r-rwol tiegħu stess fiha bħala rikonoxximent tal-importanza kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-ambizzjoni ta’ tniġġis żero;

27.

jiddispjaċih li t-taqsima 3.1 ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni ma ssemmix id-dimensjoni lokali u reġjonali, jappella sabiex ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġi inkluż b’mod aktar prominenti u jtenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu appoġġ finanzjarju u tekniku biex jimplimentaw l-objettivi fil-prattika;

28.

jenfasizza li l-problemi tal-implimentazzjoni ma jistgħux jissolvew biss b’aktar leġiżlazzjoni. Il-mekkaniżmi ta’ appoġġ, il-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni huma essenzjali biex jintlaħqu l-valuri u l-istandards fil-mira;

29.

jenfasizza li jistgħu jintużaw inizjattivi tal-UE bħas-Sħubijiet tal-Aġenda Urbana u li għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment attiv ta’ sħubijiet ambjentali ġodda biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni;

30.

jilqa’ l-iżvilupp ta’ qafas ta’ monitoraġġ u prospettiva ta’ tniġġis żero integrat u jappella sabiex id-data rilevanti kollha tinġabar, tiġi armonizzata u ssir disponibbli għal kulħadd. Il-KtR jenfasizza l-importanza li l-qafas ta’ monitoraġġ u prospettiva ta’ tniġġis żero jsir koerenti mal-qafas il-ġdid ta’ monitoraġġ ippjanat mill-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali;

Appoġġ għal azzjoni lokali u reġjonali ta’ tniġġis żero

31.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex taħdem mal-bliet u r-reġjuni skont il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi, il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa u l-Premju Ewropew Green Leaf u s-Sena Ewropea għal Bliet Aktar Ekoloġiċi peress li jipprovdu inċentivi għal titjib;

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ approċċ ibbażat fuq il-post. Il-politiki speċifiċi m’għandhomx jiġu ppjanati biss għal komunitajiet urbani iżda wkoll għal tipi oħra ta’ komunitajiet, skont iċ-ċirkostanzi ġeografiċi speċifiċi;

33.

jenfasizza li t-titjib ambjentali permezz tad-disinn spazjali, bħall-espansjoni ta’ spazji ekoloġiċi u blu ta’ kwalità għolja f’żoni urbani, joffri “rebħa tripla” billi jtaffi t-tniġġis ambjentali u jappoġġja l-bijodiversità, itejjeb is-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjonijiet urbani u jrawwem il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni (5);

34.

jenfasizza r-rilevanza ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, peress li dawn jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli u kosteffettivi li joħolqu opportunitajiet ekonomiċi, impjieg u jipprovdu benefiċċji għas-saħħa pubblika u l-benesseri. L-appoġġ tekniku, l-iskambju tal-għarfien u l-bini tal-kapaċità għandhom jiġu offruti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jqisu l-benefiċċju kollaterali fl-akkwisti pubbliċi tagħhom;

35.

itenni l-approċċ komprensiv fejn il-pjani ta’ azzjoni dwar l-istorbju u l-pjani dwar il-kwalità tal-arja jiġu kkombinati aħjar mal-Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) fil-muniċipalitajiet, sabiex jittejbu l-protezzjoni mill-istorbju u l-kwalità tal-arja permezz ta’ trasport pubbliku attraenti u promozzjoni effettiva taċ-ċikliżmu u l-mixi;

36.

jappoġġja t-tnedija u l-appoġġ kontinwu ta’ laboratorji ħajjin għal soluzzjonijiet diġitali ekoloġiċi u tniġġis żero intelliġenti. It-Tewmin Diġitali Lokali jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati azzjonijiet lokali u reġjonali għal trasformazzjoni ekoloġika u diġitali. Il-kontroll tal-gvern fuq id-diġitalizzazzjoni huwa indispensabbli għaliex l-iżvilupp sostenibbli issa huwa marbut b’mod inseparabbli mad-dinja diġitali;

37.

jappella sabiex l-ispazju Ewropew tad-data jinkludi l-iskambju ta’ data dwar is-sostenibbiltà sabiex il-ktajjen ta’ valur ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ekoloġizzazzjoni tal-industriji. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ standards fil-livell tal-UE għall-ħżin u l-iskambju tad-data se jiżgura d-disponibbiltà tad-data li tista’ tintuża għal tranżizzjonijiet lejn tniġġis żero;

38.

jilqa’ l-proposta ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR għall-ħolqien tat-Tabella ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni ekoloġika tar-reġjuni tal-UE, li se tkun il-bażi għall-premju l-ġdid għar-Reġjun Ekoloġiku tas-Sena;

Kwistjonijiet speċifiċi

L-arja

39.

jinnota li t-tniġġis tal-arja huwa l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-UE; 400 000 mewta prematura fis-sena jistgħu jiġu attribwiti għal dan (6);

40.

itenni (7) li politiki effettivi dwar il-kwalità tal-arja jeħtieġu azzjoni u kooperazzjoni fil-livelli globali, Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-implimentazzjoni tiddependi ħafna fuq miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali mfasslin għal ċirkostanzi speċifiċi;

41.

jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tallinja l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE aktar mill-qrib mal-aħħar rakkomandazzjonijiet tad-WHO u li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, l-immudellar u l-pjani dwar il-kwalità tal-arja biex tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, l-immudellar u l-pjani dwar il-kwalità tal-arja jeħtieġ li jkunu allinjati aħjar;

42.

jissuġġerixxi l-użu tal-valuri fil-mira tad-WHO għall-2021 bħala għan li għandu jintlaħaq sal-2050, iżda li ma jintużawx il-valuri rakkomandati bħala valuri ta’ limitu peress li ħafna Stati Membri għadhom ma laħqux il-valuri attwali;

43.

jirrakkomanda li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni taċ-Ċentri Reġjonali tal-KtR, li investigat l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent u dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (NEC) u r-rapport ta’ implimentazzjoni (8) tal-Parlament Ewropew, li jiddeskrivi d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent bħala “parzjalment effettiva li jeħtieġ li tittejjeb”;

44.

jirrimarka li l-pandemija ħolqot momentum billi ħeġġet bidla modali u riallokazzjoni tal-ispazju tat-triq għall-mixi u għaċ-ċikliżmu — u aktar żoni ekoloġiċi — biex b’hekk jiġi evitat ir-ritorn lejn bliet iddominati mill-karozzi b’livelli għoljin ta’ tniġġis tal-arja;

45.

jirrimarka li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jitnaqqsu l-livelli ta’ tniġġis mill-irwejjaħ u jqis l-IED bħala l-għodda ewlenija għall-ġlieda kontra t-tniġġis mill-irwejjaħ peress li tkopri l-forom kollha ta’ emissjonijiet. Il-KtR jenfasizza l-importanza tax-xjenza mill-pubbliku u l-parteċipazzjoni pubblika biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tniġġis mill-irwejjaħ. Approċċ f’diversi livelli li jinkludi kontributi differenti ta’ diversi partijiet ikkonċernati jista’ jawtonomizza liċ-ċittadini biex jipparteċipaw f’deċiżjonijiet meħuda dwar l-ambjent tagħhom u jista’ jappoġġja lil dawk li jfasslu l-politika u lil dawk l-intrapriżi li jemettu l-irwejjaħ biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jimmaniġġjaw aħjar il-kwistjoni tat-tniġġis mill-irwejjaħ;

Ilma

46.

jilqa’ l-mira li l-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent jitnaqqsu bi 30 % u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi definizzjonijiet ċari tal-mikroplastiċi, iżda wkoll taħdem biex tipprevjeni r-rilaxx ta’ mikroplastiċi u materjali mhux minsuġin fis-sors billi tipproponi miżuri aktar stretti dwar il-mikroplastiċi rilaxxati intenzjonalment;

47.

jilqa’ r-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u jappoġġja l-inizjattiva li din id-Direttiva tintuża biex issir ħidma lejn l-irkupru ta’ nutrijenti prezzjużi u l-inizjattiva li jiġu eżaminati sustanzi emerġenti bħar-residwi farmaċewtiċi u l-mikroplastiċi;

48.

jirrakkomanda li tiġi vvalutata l-effettività ta’ dawn il-miżuri u li jiġi kkunsidrat liema investimenti huma meħtieġa fir-rigward tal-farmaċewtiċi u l-mikroplastiċi, u jitqiegħdu fil-mira l-hotspots fejn hemm riskji għall-ekoloġija jew is-sorsi tal-ilma tax-xorb;

49.

jirrakkomanda l-monitoraġġ tas-sustanzi fl-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art bl-użu ta’ tekniki innovattivi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u li dan jiġi inkluż fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sustanzi Prijoritarj u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar ir-rimi f’żoni fejn jinġabar l-ilma minħabba li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu għandhom effett downstream;

50.

jesprimi tħassib li l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-UE għadu limitat u jemmen li dan jista’ jiġi appoġġjat permezz tat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma biex jinkludi l-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni ta’ spazji ħodor f’żoni urbani, parks, ġonna u żoni għal użu pubbliku (eż. rikreazzjoni, sport);

Storbju

51.

jirrimarka li kull sena jintilfu miljun sena ta’ ħajja b’saħħitha minħabba l-effetti tal-istorbju fuq is-saħħa (9). It-tnaqqis tat-tniġġis akustiku mit-toroq huwa kruċjali biex jiġi indirizzat dan it-tħassib dejjem jikber dwar is-saħħa pubblika;

52.

jargumenta li hija meħtieġa azzjoni fil-livell Ewropew biex jiġu appoġġjati l-isforzi lokali u reġjonali biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku mit-toroq, mill-ferroviji u mill-ajruporti billi jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-rekwiżiti tal-immappjar u tar-rappurtar skont id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali;

53.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-opportunità li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali biex tistabbilixxi miri obbligatorji ambizzjużi għat-tnaqqis tal-istorbju sabiex toqrob lejn il-limiti rakkomandati mid-WHO, u jappella għal pjan direzzjonali għal azzjoni mill-partijiet interessati kollha;

54.

isostni li sabiex ikun hemm tnaqqis sinifikanti u fit-tul tal-istorbju, huwa essenzjali li jkun hemm bidla fl-enfasi minn miżuri li jtaffu l-istorbju eċċessiv għal dawk li jimpedixxu l-istorbju kompletament, bħall-appoġġ għal modi sostenibbli ta’ trasport bħall-mixi u ċ-ċikliżmu;

Ħamrija

55.

jenfasizza l-importanza ta’ infurzabbiltà effettiva fir-rigward tal-kwalità u l-oriġini tal-ħamrija. F’dan id-dawl, prova uniformi tal-oriġini u tal-kwalità tal-ħamrija fl-Istati Membri kollha tal-UE hija kruċjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwaqqfu t-trasport u l-użu ta’ ħamrija kkontaminata fir-reġjuni, li jipprevjeni lil min iniġġes milli jinżamm responsabbli.

56.

jenfasizza l-importanza vitali ta’ ħamrija b’saħħitha għall-benesseri u l-prosperità u huwa favur approċċ preventiv u bbażat fuq ir-riskju għall-kontaminazzjoni tal-ħamrija. L-enfasi m’għandhiex tkun biss fuq il-kwalità kimika, iżda wkoll fuq il-kundizzjoni fiżika u bijoloġika tal-ħamrija;

57.

iqis li meta jintrema fil-landfills, il-plastik inixxi sustanzi kimiċi tossiċi fil-ħamrija u fl-ilma ta’ taħt l-art. Meta jiġi mmaniġġjat ħażin, il-plastik iniġġes l-art, il-passaġġi fuq l-ilma u l-oċeani. L-addittivi tossiċi u l-mikroplastiċi li jinsabu fix-xita, fil-ħamrija, fil-passaġġi fuq l-ilma, fl-oċeani u fuq il-qċaċet tal-muntanji ma jistgħux jiġu eliminati permezz tar-riċiklaġġ, ir-rimi f’landfill jew l-inċinerazzjoni. Huma biss il-limiti legalment vinkolanti fuq il-produzzjoni globali tal-plastik għal użijiet essenzjali li jistgħu jagħmlu differenza;

58.

jilqa’ l-Istrateġija tal-UE għall-Ħamrija u t-tħabbira tal-Liġi tal-UE dwar is-Saħħa tal-Ħamrija, peress li l-appoġġ għall-protezzjoni tal-ħamrija permezz ta’ qafas Ewropew huwa pass kruċjali lejn in-newtralità klimatika, ir-restawr tal-bijodiversità, it-tniġġis żero, kif ukoll sistema tal-ikel tajba għas-saħħa u sostenibbli. Fl-istess ħin, jargumenta favur flessibbiltà fl-implimentazzjoni nazzjonali ta’ azzjonijiet taħt il-pjan ta’ azzjoni u l-Istrateġija l-ġdida għall-Ħamrija minħabba li hemm differenzi reġjonali kbar f’termini ta’ ġestjoni tat-territorju, pajsaġġ, ħamrija (kompożizzjoni) u użu tal-ħamrija;

59.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti parir lill-bdiewa biex jadottaw prattiki li jniġġsu inqas, billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka u tan-nitrati. Emissjonijiet oħra mis-settur agrikolu, bħall-fosfati, il-metalli, il-pestiċidi u l-farmaċewtiċi, huma importanti wkoll;

60.

jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-emissjonijiet diffużi storiċi. Xi drabi huwa impossibbli li jinkisbu standards ġodda, li jirriżulta f’restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ żoni mniġġsa. Għalhekk, approċċ ibbażat fuq is-sors jeħtieġ li jiġi kkombinat ma’ strateġija għall-eliminazzjoni ta’ dawn is-sorsi eżistenti ta’ tniġġis;

Sustanzi perikolużi

61.

jirrakkomanda miżuri proattivi biex jiġu limitati s-sustanzi kimiċi qabel ma jidħlu fil-katina; li jinkludu wkoll regolamenti għall-użu sikur tas-sustanzi li jitqiegħdu fis-suq. L-UE għandha tirregola s-sustanzi kimiċi bbażati fuq il-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom ta’ ħsara għall-bnedmin u l-ambjent anke f’każ ta’ inċertezza xjentifika, billi tqis ukoll ir-riskju tal-esponiment u l-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà u tidentifika u teskludi riskji speċifiċi u inaċċettabbli;

62.

iqis li r-REACH huwa l-istrument ewlieni għall-kontroll ta’ sustanzi perikolużi li jidħlu fl-ambjent. Huwa essenzjali li l-proċessi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ restrizzjoni tar-REACH jintużaw aktar u li jiġu identifikati aktar sustanzi ta’ tħassib serju ħafna għal-lista ta’ kandidati;

63.

jappella għal restrizzjonijiet fil-livell tal-UE għall-użi problematiċi tas-sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS) perikolużi u l-emissjonijiet tagħhom. Ħafna minn dawn huma ta’ tħassib kbir peress li huma estremament persistenti u għandhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

64.

jirrimarka li bħalissa hemm nuqqas ta’ għarfien dwar l-effetti (eko)tossikoloġiċi dwar ħafna sustanzi perikolużi fl-ambjent jew permezz tiegħu. L-evidenza xjentifika dwar l-impatti ekoloġiċi u fuq is-saħħa tas-sustanzi kimiċi għandha tiġi aġġornata u kkunsidrata kontinwament, u għandha ssir aċċessibbli, speċjalment fir-rigward tar-riskji għall-bnedmin u għall-ambjent.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Rapport tal-EEA Nruo 22/2018: Unequal exposure and unequal impacts [Esponiment inugwali u impatti inugwali] (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Rapport Speċjali 12/2021: Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas: Applikazzjoni inkonsistenti fil-politiki u fl-azzjonijiet ambjentali tal-UE

(3)  Study 2019: The costs of not implementing EU environmental law [Studju tal-2019: Il-kostijiet tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE] (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  EEA, Rapport dwar l-indikaturi ambjentali 2017, Nru 21 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Healthy environment, healthy lives: how the environment influences health and- in Europe [Ambjent b’saħħtu, ħajjiet b’saħħithom: kif l-ambjent jinfluwenza s-saħħa u l-benessri fl-Ewropa] (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  EEA: Air Quality in Europe — 2020 report [Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa — rapport tal-2020] (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Il-futur tal-politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta’ ambizzjoni ta’ tniġġis żero.

(8)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali: id-Direttiva 2004/107/KE u d-Direttiva 2008/50/KE (2020/2091(INI)) (ĠU C 494, 8.12.2021, p. 64).

(9)  https://www.eea.europa.eu/publications/health-risks-caused-by-environmental


III Atti preparatorji

Il-Kumitat tar-Regjuni

Interactio – kompletament mill-bogħod – il-148 Sessjoni Plenarja tal-KtR, 26.1.2022–27.1.2022

13.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/38


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn trasport bit-triq mingħajr emissjonijiet: L-użu ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi u t-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2

(2022/C 270/07)

Relatur:

Adrian TEBAN (RO/PPE), Sindku ta’ Cugir, Kontea ta’ Alba

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ infrastruttura ta fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2021)559 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni.

COM(2021) 556 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ introduzzjoni strateġika li jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet supplimentari biex jiġi appoġġat il-varar rapidu ta’ fjuwils alternattivi

COM(2021) 560 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni

COM(2021) 556 final

Emenda 1

Premessa (9)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(9)

[…] L-istandards imsaħħa ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 huma teknoloġikament newtrali fl-ilħuq tal-miri għall-flotta kollha li huma jistabbilixxu. Teknoloġiji differenti huma u jibqgħu disponibbli fl-ilħuq tal-mira għall-flotta kollha ta’ emissjonijiet żero. Fil-preżent, vetturi b’emissjoni żero jinkludu vetturi elettriċi bil-batterija, vetturi mgħammra b’ċellola tal-fjuwil u vetturi oħra li jaħdmu bl-idroġenu oħrajn, u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi għadhom qed jissoktaw. Vetturi b’emissjonijiet żero u b’emissjonijiet baxxi, li jinkludu wkoll vetturi elettriċi ibridi rikarikabbli bi prestazzjoni tajba, jistgħu jkomplu jkollhom rwol bil-mogħdija tat-transizzjoni.

(9)

[…] L-istandards imsaħħa ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 huma teknoloġikament newtrali biss fl-ilħuq tal-miri għall-flotta kollha li huma jistabbilixxu jekk iqisu l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-fjuwil li jużaw  — inkluż dawk fil-produzzjoni tagħhom . Teknoloġiji differenti huma u jibqgħu disponibbli fl-ilħuq tal-mira għall-flotta kollha ta’ emissjonijiet żero. Fil-preżent, vetturi b’emissjoni żero jinkludu vetturi elettriċi bil-batterija, vetturi mgħammra b’ċellola tal-fjuwil u vetturi oħra li jaħdmu bl-idroġenu oħrajn, u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi għadhom qed jissoktaw. Vetturi b’emissjonijiet żero u b’emissjonijiet baxxi, li jinkludu wkoll vetturi elettriċi ibridi rikarikabbli bi prestazzjoni tajba u vetturi li jaħdmu , b’e-fjuwils rinnovabbli, b’bijofjuwils avvanzati u bil-bijogass , jistgħu jkomplu jkollhom rwol bil-mogħdija tat- tranżizzjoni .

Raġuni

Il-vetturi u l-fjuwils b’emissjonijiet baxxi bħall-bijofjuwils avvanzati jeħtieġ li jiġu kkunsidrati f’kuntest reġjonali fejn il-vetturi elettriċi b’emissjonijiet żero huma diffiċli biex jiġu varati. Ara l-emenda t’hawn taħt.

Emenda 2

Proposta għal premessa ġdida wara l-premessa (9)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(9a)

Il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni (bħall-pożizzjoni ġeografika, il-kundizzjonijiet klimatiċi) jistgħu jagħmluha diffiċli li l-karozzi u l-vetturi ħfief tat-trasport bit-triq jiġu kompletament elettriċizzati. F’reġjuni bħal dawn, il-vetturi li jaħdmu bl-e-fjuwils rinnovabbli, bil-bijofjuwils u dawk ibridi, għalkemm ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ emissjonijiet żero mit-tailpipe, jista’ jkollhom prestazzjoni ġenerali tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar vantaġġuża u flessibbli minn vetturi b’emissjonijiet żero mit-tailpipe, u għalhekk jenħtieġ li ma jiġux esklużi mis-suq uniku mill-2035 ’il quddiem. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tfittex il-possibbiltà li tqis il-vetturi li jaħdmu bl-e-fjuwils rinnovabbli, bil-bijofjuwils u dawk ibridi meta tiddefinixxi l-miri għall-flotta kollha li l-manifatturi tal-vetturi jeħtiġilhom jilħqu fi żmien debitu qabel ma dawn il-miri jsiru operattivi . Jenħtieġ li tingħata gwida speċifika għat-tipi ta’ reġjuni msemmija hawn fuq dwar kif jista’ jintlaħaq l-objettiv ta’ mobbiltà newtrali għall-klima. Barra minn hekk, għandhom jingħataw appoġġ immirat mid-diversi fondi tal-UE.

Raġuni

Għandu jingħata appoġġ lil dawk ir-reġjuni fejn il-kundizzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi jagħmluha diffiċli li l-vetturi tat-trasport bit-triq jiġu kompletament elettriċizzati.

Emenda 3

Premessa (11)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(11)

Il-miri fl-istandards ta’ prestazzjoni riveduti tas-CO2 jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn strateġija Ewropea biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati miż-żieda fil-manifattura ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u teknoloġiji assoċjati, kif ukoll mill-ħtieġa għal titjib fit-taħriġ u għal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur u mid-diversifikazzjoni ekonomika u l-konverżjoni mill-ġdid tal-attivitajiet. Fejn xieraq, l-appoġġ finanzjarju jenħtieġ li jitqies fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jiġi attirat l-investiment privat, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u strumenti oħrajn tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u tal-Istrument Ewropew għall-Irkupru, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija se jippermettu lill-Istati Membri jappoġġaw lin-negozji biex jiddekarbonizzaw il-proċessi tal-produzzjoni tagħhom u jadottaw teknoloġiji aktar ekoloġiċi fil-kuntest tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida.

(11)

Il-miri fl-istandards ta’ prestazzjoni riveduti tas-CO2 jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn mekkaniżmu Ewropew għal tranżizzjoni ġusta tas-settur u tar-reġjuni awtomobilistiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati miż-żieda fil-manifattura ta’ vetturi b’emissjonijiet żero , it-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-forniment tal-karozzi u teknoloġiji assoċjati, kif ukoll mill-ħtieġa għal titjib fit-taħriġ u għal taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fis-settur u mid-diversifikazzjoni ekonomika u l-konverżjoni mill-ġdid tal-attivitajiet. Dan il-Mekkaniżmu Ewropew għal tranżizzjoni ġusta tas-settur u tar-reġjuni awtomobilistiċi jeħtieġ li jipprovdi appoġġ finanzjarju fil-livell tal-UE, b’fondi addizzjonali għall-futur u għalissa , permezz ta’ użu kkoordinat ta’ fondi bħall-Fond Soċjali għall-Klima, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u strumenti oħrajn tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u tal-Istrument Ewropew għall-Irkupru jew l-iskema tal-InvestEU għal “Tranżizzjoni Ġusta”, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u kkomplementat minn programmi fl-Istati Membri . Ir-regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija se jippermettu lill-Istati Membri jappoġġaw lin-negozji biex jiddekarbonizzaw il-proċessi tal-produzzjoni tagħhom u jadottaw teknoloġiji aktar ekoloġiċi fil-kuntest tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida.

Raġuni

Proposta leġiżlattiva b’konsegwenzi tant estensivi għall-ħaddiema, għall-industrija u għar-reġjuni jeħtieġ li tipprevedi “Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta” konkret għall-industrija Ewropea tal-karozzi u tal-forniment tal-karozzi kif ukoll għar-reġjuni fejn jinsabu dawn l-industriji. L-impatt se jinħass l-aktar fil-livell reġjonali fejn it-taħriġ mill-ġdid jeħtieġ li jsir f’kollaborazzjoni mal-industrija. Mekkaniżmu bħal dan jeħtieġ li jkun inklużiv għas-settur awtomobilistiku kollu u jeħtieġ li jkun ibbażat fuq data li tidentifika b’mod ċar l-impatt territorjali tal-leġiżlazzjoni.

Din l-emenda hija marbuta mal-emendi 4 u 6.

Emenda 4

Premessa (24)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(24)

Il-possibbiltà li d-dħul mill-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi jiġi assenjat għal fond speċifiku jew għal programm rilevanti ġiet evalwata kif meħtieġ skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/631, bil-konklużjoni li dan iżid b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv, filwaqt li ma jkunx ta’ benefiċċju dirett għas-settur awtomobilistiku fit-tranżizzjoni tiegħu. Għalhekk, id-dħul mill-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi għandu jkompli jitqies bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2019/631.

(24)

Il-possibbiltà li d-dħul mill-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi jiġi assenjat għal fond speċifiku jew għal programm rilevanti ġiet evalwata kif meħtieġ skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/631, bil-konklużjoni li dan iżid b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv, filwaqt li ma jkunx ta’ benefiċċju dirett għas-settur awtomobilistiku fit-tranżizzjoni tiegħu. Għalhekk, id-dħul mill-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi għandu jkompli jitqies bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2019/631. Madankollu, “Mekkaniżmu Ewropew għal tranżizzjoni ġusta tas-settur u tar-reġjuni awtomobilistiċi” jeħtieġ li jipprovdi finanzjament immirat għar-reġjuni minn fondi eżistenti (kif imsemmi fil-premessa 11), ibbażat fuq eżerċizzju ta’ mmappjar granulari tal-impatti territorjali ta’ din il-leġiżlazzjoni. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jenħtieġ li, bħala prijorità, teżamina r-raggruppament tal-fondi disponibbli mis-sorsi msemmija hawn fuq fil-“Mekkaniżmu Ewropew għal tranżizzjoni ġusta tas-settur u tar-reġjuni awtomobilistiċi”.

Raġuni

“Mekkaniżmu Ewropew għal tranżizzjoni ġusta tas-settur u r-reġjuni awtomobilistiċi” huwa meħtieġ biex tiġi appoġġjata l-industrija tal-forniment tal-karozzi li tirrappreżenta settur ekonomiku importanti f’ħafna reġjuni Ewropej. Filwaqt li l-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali jistgħu jkunu ppreparati aħjar għall-bidliet li se jkun hemm, l-industrija kollha tal-katina tal-provvista, li tikkonsisti l-aktar minn SMEs, għandu mnejn ma jkollhiex il-kapaċitajiet finanzjarji strateġiċi u interni biex tadatta l-ħiliet u l-produzzjoni tagħha għall-bidliet fil-katina tal-valur awtomobilistiku. Jistgħu jkunu meħtieġa fondi addizzjonali għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) meta mqabbla mas-EUR 17,5-il biljun miftiehma bħalissa sabiex il-JTF jindirizza b’mod suffiċjenti l-bidliet profondi li se jġib il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

Din l-emenda hija marbuta mal-emendi 3 u 6.

Emenda 5

Artikolu 1(9)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(9)

jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a

Rapport ta’ progress

Sal-31 ta’ Diċembru  2025 , u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-progress lejn mobbiltà fit-toroq b’emissjonijiet żero. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jimmonitorja u jivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali possibbli biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni, inkluż permezz ta’ mezzi finanzjarji.

(9)

jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a

Rapport ta’ progress

Sal-31 ta’ Diċembru  2023 , u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-progress lejn mobbiltà fit-toroq b’emissjonijiet żero. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jimmonitorja u jivvaluta l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali possibbli biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni, inkluż permezz ta’ mezzi finanzjarji. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt territorjali li tidentifika fil-livell NUTS 2 l-isfidi għal kull reġjun u kif għandhom jiġu mmitigati r-riskji assoċjati ma’ dawn l-isfidi.

 

Fir-rapportar, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fatturi kollha li jikkontribwixxu għal progress kosteffiċjenti lejn in-newtralità klimatika sal-2050. Dan jinkludi l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, il-progress fl-ilħuq tal-miri għall-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment tal-fjuwil kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, il-kontribut potenzjali tat-teknoloġiji tal-innovazzjoni u l-fjuwils alternattivi sostenibbli biex tintlaħaq il-mobbiltà b’newtralità klimatika, l-impatt fuq il-konsumaturi, il-progress fid-djalogu soċjali kif ukoll aspetti biex tiġi ffaċilitata ulterjorment it-tranżizzjoni ekonomikament vijabbli u soċjalment ġusta lejn mobbiltà fit-toroq b’emissjonijiet żero.”;

 

Fir-rapportar, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fatturi kollha li jikkontribwixxu għal progress kosteffiċjenti lejn in-newtralità klimatika sal-2050. Dan jinkludi l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, il-progress fl-ilħuq tal-miri għall-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment tal-fjuwil kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, il-kontribut potenzjali tat-teknoloġiji tal-innovazzjoni u l-fjuwils alternattivi sostenibbli biex tintlaħaq il-mobbiltà b’newtralità klimatika, il-progress u l-impatt fil-livell reġjonali (NUTS II), l-impatt fuq il-konsumaturi, inkluż ta’ konsumaturi li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli, il-progress fid-djalogu soċjali kif ukoll aspetti biex tiġi ffaċilitata ulterjorment it-tranżizzjoni ekonomikament vijabbli u soċjalment ġusta lejn mobbiltà fit-toroq b’emissjonijiet żero.”;

Raġuni

L-impatt tal-leġiżlazzjoni se jinħass l-aktar fil-livell reġjonali, u l-Kummissjoni għandha tindirizza permezz ta’ mmappjar granulari tal-impatt territorjali l-isfidi u r-riskji assoċjati ma’ din it-tranżizzjoni.

Emenda 6

Artikolu 1(10)(b)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(10)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(b)

jitħassru l-paragrafi 2 sa 5 ,

(10)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(b)

jitħassru l-paragrafi 2 sa 4 ,

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u li din it-tranżizzjoni tkun ġusta mill-aspett soċjali, il-Kummissjoni għandha tipproponi “Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta” għall-industrija tal-karozzi, inkluż djalogu f’diversi livelli mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati, u tqis l-impatt territorjali ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-industrija tal-produzzjoni u tal-forniment tal-karozzi u l-impatt fuq l-istrutturi ekonomiċi reġjonali u l-forza tax-xogħol fl-industrija tal-karozzi.

Raġuni

Minkejja li r-Regolament fis-seħħ jipprevedi l-introduzzjoni possibbli ta’ programm ta’ għajnuna finanzjarja għal tranżizzjoni ġusta, dan l-aspett għandu jitħassar bil-proposta leġiżlattiva. L-idea oriġinali li tiġi ffinanzjata tranżizzjoni ġusta permezz tad-dħul mill-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni awtomobilistiċi kollha u tista’ ma tiżgurax id-disponibbiltà baġitarja kostanti tar-riżorsi finanzjarji.

Il-JTF waħdu, bl-ammont ta’ EUR 17,5-il biljun miftiehem bħalissa jista’ wkoll ma jkunx biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”. Għalhekk qed jiġi propost li jinħoloq mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għal tranżizzjoni ġusta tas-settur u tar-reġjuni awtomobilistiċi, li jisfrutta l-potenzjal tal-fondi eżistenti.

Din l-emenda hija marbuta mal-emendi 3 u 4.

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2021) 559 final

Emenda 7

Premessa (9)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…] Il-miri bbażati fuq id-distanza għan-network TEN-T jenħtieġ li jiżguraw kopertura sħiħa tal-punti tal-irriċarġjar elettriċi tul in-networks ewlenin tat-toroq tal-Unjoni u b’hekk jiġi żgurat vjaġġar faċli u bla xkiel madwar l-Unjoni.

[…] Il-miri bbażati fuq id-distanza għan-network TEN-T jenħtieġ li jiżguraw kopertura sħiħa tal-punti tal-irriċarġjar elettriċi tul in-networks ewlenin tat-toroq tal-Unjoni u b’hekk jiġi żgurat vjaġġar faċli u bla xkiel madwar l-Unjoni. Meta jirriżulta li l-investiment f’infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku jkun diffiċli minħabba fatturi reġjonali bħall-pożizzjoni ġeografika jew id-densità tal-popolazzjoni, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ appoġġ finanzjarju mill-UE.

Raġuni

Madankollu, sabiex ikun konformi mal-karattru transreġjonali tan-network TEN-T, kif ukoll biex ma jimpedixxix il-koeżjoni Ewropea, l-approċċ ibbażat fuq id-distanza għall-post għandu jinżamm bl-appoġġ finanzjarju meħtieġ; jiġifieri għall-punti tal-irriċarġjar privati jew għal dawk pubbliċi.

Emenda 8

Premessa (10)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(10)

Il-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tal-għadd totali ta’ vetturi elettriċi rreġistrati f’dak l-Istat Membru skont metodoloġija komuni li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi bħall-medda tas-sewqan akbar tal-vetturi elettriċi jew il-penetrazzjoni dejjem akbar fis-suq ta’ punti tal-iċċarġjar veloċi li jistgħu jirriċarġjaw għadd akbar ta’ vetturi f’kull punt tal-irriċarġjar milli f’punt tal-irriċarġjar normali. Il-metodoloġija għandha tqis ukoll ix-xejriet differenti tal-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli. Metodoloġija li skontha jiġu żviluppati l-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta abbażi tal-output tal-potenza massima totali tal-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li tippermetti flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji differenti tal-irriċarġjar fl-Istati Membri.

(10)

Il-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tal-għadd totali ta’ vetturi elettriċi rreġistrati f’dak l-Istat Membru , flimkien ma’ marġni li għandu jiġi stabbilit minn 10 sa 20 %, skont metodoloġija komuni li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi bħall-medda tas-sewqan akbar tal-vetturi elettriċi jew il-penetrazzjoni dejjem akbar fis-suq ta’ punti tal-iċċarġjar veloċi li jistgħu jirriċarġjaw għadd akbar ta’ vetturi f’kull punt tal-irriċarġjar milli f’punt tal-irriċarġjar normali. Il-metodoloġija għandha tqis ukoll ix-xejriet differenti tal-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli. Metodoloġija li skontha jiġu żviluppati l-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta abbażi tal-output tal-potenza massima totali tal-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li tippermetti flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji differenti tal-irriċarġjar fl-Istati Membri.

Raġuni

L-għadd totali ta’ vetturi elettriċi rreġistrati fi Stat Membru mhuwiex biżżejjed, peress li dan l-għadd ma jqisx, pereżempju, vetturi minn pajjiżi oħrajn, speċjalment matul il-perjodi tal-btajjel, iżda wkoll f’okkażjonijiet oħrajn bħal avvenimenti ewlenin, fieri, eċċ.

Emenda 9

Premessa (34)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(34)

Dawn il-miri jenħtieġ li jqisu t-tipi ta’ bastimenti moqdija u l-volumi tat-traffiku rispettivi tagħhom. Il-portijiet marittimi b’volumi baxxi ta’ traffiku ta’ ċerti kategoriji ta’ vapuri jenħtieġ li jiġu eżentati mir-rekwiżiti obbligatorji għall-kategoriji ta’ vapuri korrispondenti abbażi ta’ livell minimu ta’ volum ta’ traffiku, sabiex tiġi evitata l-installazzjoni ta’ kapaċità mhux użata biżżejjed. Bl-istess mod, il-miri obbligatorji jenħtieġ li ma jimmirawx lejn domanda massima, iżda volum għoli biżżejjed, sabiex tiġi evitata kapaċità mhux użata biżżejjed u jitqiesu l-karatteristiċi operazzjonali tal-port. It-trasport marittimu huwa rabta importanti għall-koeżjoni u għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer fl-Unjoni. Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-enerġija f’dawn il-gżejjer jista’ jkun li mhux dejjem tkun biżżejjed biex tkopri d-domanda għall-potenza meħtieġa biex tiġi appoġġata l-provvista tal-elettriku mix-xatt. F’każ bħal dan, il-gżejjer jenħtieġ li jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit ħlief jekk u sakemm tali konnessjoni elettrika mal-kontinent ma tkunx tlestiet jew ikun hemm biżżejjed kapaċità ġġenerata lokalment minn sorsi ta’ enerġija nadifa.

(34)

Dawn il-miri jenħtieġ li jqisu t-tipi ta’ bastimenti moqdija u l-volumi tat-traffiku rispettivi tagħhom. Il-portijiet marittimi b’volumi baxxi ta’ traffiku ta’ ċerti kategoriji ta’ vapuri jenħtieġ li jiġu eżentati mir-rekwiżiti obbligatorji għall-kategoriji ta’ vapuri korrispondenti abbażi ta’ livell minimu ta’ volum ta’ traffiku, sabiex tiġi evitata l-installazzjoni ta’ kapaċità mhux użata biżżejjed. Bl-istess mod, il-miri obbligatorji jenħtieġ li ma jimmirawx lejn domanda massima, iżda volum għoli biżżejjed, sabiex tiġi evitata kapaċità mhux użata biżżejjed u jitqiesu l-karatteristiċi operazzjonali tal-port. It-trasport marittimu huwa rabta importanti għall-koeżjoni u għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni. Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-enerġija f’dawn il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi jista’ jkun li mhux dejjem tkun biżżejjed biex tkopri d-domanda għall-potenza meħtieġa biex tiġi appoġġata l-provvista tal-elettriku mix-xatt. F’każ bħal dan, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi jenħtieġ li jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit ħlief jekk u sakemm tali konnessjoni elettrika mal-kontinent jew mal-pajjiżi ġirien ma tkunx tlestiet jew ikun hemm biżżejjed kapaċità ġġenerata lokalment minn sorsi ta’ enerġija nadifa.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 10

Premessa (37)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…] L-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali eżistenti jenħtieġ li jiġu riveduti biex jiddeskrivu b’mod ċar kif il-ħtieġa ħafna akbar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku kif espressa fil-miri obbligatorji se tintlaħaq mill-Istati Membri. L-oqfsa riveduti jenħtieġ li jindirizzaw bl-istess mod il-modi kollha tat-trasport, inklużi dawk li għalihom ma teżisti l-ebda mira ta’ varar obbligatorja.

[…] L-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali eżistenti jenħtieġ li jiġu riveduti biex jiddeskrivu b’mod ċar kif il-ħtieġa ħafna akbar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku kif espressa fil-miri obbligatorji se tintlaħaq mill-Istati Membri. Ir-reviżjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi territorjali, li tidentifika l-ħtiġijiet differenti għal entitajiet sottonazzjonali differenti, u jenħtieġ li tqis l-għarfien espert lokali u reġjonali u l-istrateġiji għall-varar ta’ infrastruttura ta’ riforniment li diġà ġew żviluppati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-oqfsa riveduti jenħtieġ li jindirizzaw bl-istess mod il-modi kollha tat-trasport, inklużi dawk li għalihom ma teżisti l-ebda mira ta’ varar obbligatorja.

Raġuni

Id-definizzjoni ta’ oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-varar ta’ fjuwils alternattivi jeħtieġ li tkun ibbażata fuq approċċ ta’ governanza f’diversi livelli reali sabiex jitqiesu bis-sħiħ l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-istrateġiji tagħhom għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li diġà teżisti f’diversi “Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli” (SUMPs) jew strateġiji ta’ mobbiltà reġjonali oħra.

Emenda 11

Premessa (39)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(39)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu ffaċilitati mill-Kummissjoni permezz ta’ skambji tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

(39)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu ffaċilitati mill-Kummissjoni permezz ta’ skambji tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali .

Raġuni

Fil-proposta dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi jeħtieġ li jiġi inkorporat qafas ta’ governanza f’diversi livelli. Tali qafas jista’ jikkoordina l-varar fl-Istati Membri u jindirizza l-lakuni potenzjali.

Emenda 12

Premessa (42)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…] L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jżommu strumenti xierqa biex jippromwovu l-varar ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment anke għal flotot vinkolati, b’mod partikolari għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero fil-livell lokali.

[…] L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jżommu strumenti xierqa biex jippromwovu l-varar ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment anke għal flotot vinkolati, b’mod partikolari għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero fil-livell lokali u għall-iċċarġjar rapidu, kif ukoll għall-possibbiltajiet ta’ ċċarġjar mal-lejl disponibbli għall-operaturi kollha tat-trasport pubbliku .

Raġuni

L-operaturi tat-trasport pubbliku jeħtieġu possibbiltajiet ta’ riforniment għall-flotta tagħhom, kemm għall-iċċarġjar mal-lejl kif ukoll għall-iċċarġjar rapidu għat-trasport fuq distanzi twal. Dawn għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Huma meħtieġa xpruni u inċentivi ta’ politika biex tiġi pprovduta tali infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku.

Emenda 13

Proposta għal premessa ġdida wara l-premessa (45)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(45a)

Il-manwal tal-punti tal-irriċarġjar jenħtieġ li jkun kemm jista’ jkun uniformi għall-konsumaturi, il-proċessi jenħtieġ li jkunu standardizzati, u l-punti tal-irriċarġjar jenħtieġ li jkunu intwittivi u faċli biex jintużaw permezz tal-użu ta’ ikoni; jenħtieġ li tiġi offruta l-għażla tal-lingwa. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-sistemi operattivi ta’ apparati elettroniċi użati b’mod komuni (eż. smartphone, tablet).

Raġuni

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-punti tal-irriċarġjar għall-konsumaturi malajr kemm jista’ jkun, il-proċess għandu jkun sempliċi u, fejn adegwat, standardizzat, u jeħtieġ li jitqiesu, pereżempju, l-utenti li ma jafux il-lingwa tal-post.

Emenda 14

Premessa (47)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(47)

Huwa kruċjali li l-atturi kollha fl-ekosistema tal-elettromobbiltà jkunu jistgħu jinteraġixxu faċilment permezz ta’ mezzi diġitali biex jipprovdu l-aħjar kwalità tas-servizz lill-utent finali. Dan jirrikjedi identifikaturi uniċi tal-atturi rilevanti fil-katina tal-valur. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru Organizzazzjoni għar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjoni (“IDRO”) għall-ħruġ u l-ġestjoni ta’ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni unika (“ID”) biex jidentifikaw, tal-inqas, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà. L-IDRO jenħtieġ li tiġbor informazzjoni dwar il-kodiċijiet tal-ID tal-mobbiltà elettronika li diġà qed jintużaw fl-Istat Membru rispettiv; toħroġ kodiċijiet ġodda tal-elettromobbiltà, fejn meħtieġ, lill-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà skont loġika komuni miftiehma madwar l-Unjoni kollha li fiha jiġu fformattjati l-kodiċijiet tal-ID tal-elettromobbiltà; tippermetti l-iskambju u tivverifika l-uniċità ta’ dawn il-kodiċijiet tal-elettromobbiltà permezz ta’ Repożitorju tar-Reġistrazzjonijiet tal-Identifikazzjoni (“IDRR”) komuni possibbli fil-futur. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ gwida teknika dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni bħal din, b’referenza għall-Azzjoni ta’ Appoġġ tal-Programm dwar “Il-ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għal fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (“IDACS”).

(47)

Huwa kruċjali li l-atturi kollha fl-ekosistema tal-elettromobbiltà jkunu jistgħu jinteraġixxu faċilment permezz ta’ mezzi diġitali biex jipprovdu l-aħjar kwalità tas-servizz lill-utent finali. Dan jirrikjedi identifikaturi uniċi tal-atturi rilevanti fil-katina tal-valur. Il-firxa tal-atturi jenħtieġ li tkun wiesgħa kemm jista’ jkun, inklużi b’mod partikolari l-produtturi u d-distributuri tal-enerġija. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru Organizzazzjoni għar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjoni (“IDRO”) għall-ħruġ u l-ġestjoni ta’ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni unika (“ID”) biex jidentifikaw, tal-inqas, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà. L-IDRO jenħtieġ li tiġbor informazzjoni dwar il-kodiċijiet tal-ID tal-mobbiltà elettronika li diġà qed jintużaw fl-Istat Membru rispettiv; toħroġ kodiċijiet ġodda tal-elettromobbiltà, fejn meħtieġ, lill-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà skont loġika komuni miftiehma madwar l-Unjoni kollha li fiha jiġu fformattjati l-kodiċijiet tal-ID tal-elettromobbiltà; tippermetti l-iskambju u tivverifika l-uniċità ta’ dawn il-kodiċijiet tal-elettromobbiltà permezz ta’ Repożitorju tar-Reġistrazzjonijiet tal-Identifikazzjoni (“IDRR”) komuni possibbli fil-futur. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ gwida teknika dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni bħal din, b’referenza għall-Azzjoni ta’ Appoġġ tal-Programm dwar “Il-ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għal fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (“IDACS”). L-objettiv ewlieni jenħtieġ li jkun il-kooperazzjoni transsettorjali sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji.

Raġuni

Għandu jiġi żgurat li l-atturi kollha involuti jikkooperaw u jagħtu l-kontribut rispettiv tagħhom għas-servizz ġenerali lill-klijenti u għall-użu tal-punti tal-irriċarġjar.

Emenda 15

Premessa (54)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…] Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament sa tmiem l-2026 b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-miri għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi għall-HDV kif ukoll tal-miri għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għal bastimenti u inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero fit-trasport fuq l-ilma u fl-avjazzjoni.

[…] Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-impatt ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, b’sett ta’ objettivi speċifiċi, u tqis iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-emissjonijiet tal-vetturi għal kull teknoloġija u l-impatt tiegħu fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport bit-triq kif ukoll l-impatt ta’ kull teknoloġija fuq il-konsumatur (kost totali tas-sjieda). Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament sa tmiem l-2026 b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-miri għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi għall-HDV kif ukoll tal-miri għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għal bastimenti u inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero fit-trasport fuq l-ilma u fl-avjazzjoni.

Raġuni

L-evalwazzjoni tar-Regolament għandha tkun ibbażata fuq kriterji konkreti, u għalhekk għandha ssir referenza għall-għanijiet konkreti u stabbiliti.

Emenda 16

Artikolu 1(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rapportar biex jistimula l-kooperazzjoni u jiżgura segwiment robust tal-progress. Il-mekkaniżmu għandu jikkonsisti fi proċess strutturat, trasparenti u iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fini tal-finalizzazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom u l-azzjoni korrispondenti tal-Kummissjoni.

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rapportar biex jistimula l-kooperazzjoni u jiżgura segwiment robust tal-progress. Il-mekkaniżmu għandu jikkonsisti fi proċess strutturat, trasparenti, iterattiv , u ta’ governanza f’diversi livelli bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fini tal-finalizzazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali , filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji lokali u reġjonali għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li diġà ġew żviluppati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom u l-azzjoni korrispondenti tal-Kummissjoni.

Raġuni

Id-definizzjoni ta’ oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-varar ta’ fjuwils alternattivi jeħtieġ li tkun ibbażata fuq approċċ ta’ governanza f’diversi livelli reali sabiex jitqiesu bis-sħiħ l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-istrateġiji tagħhom għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li diġà teżisti f’diversi “Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli” (SUMPs) jew strateġiji ta’ mobbiltà reġjonali oħra.

Emenda 17

Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi ħfief jiġu varati b’mod proporzjonali mal-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi ħfief;

l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi ħfief jiġu varati b’mod proporzjonali mal-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi ħfief;

fit-territorju tagħhom, jiġu varati stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief li jipprovdu output suffiċjenti tal-potenza għal dawk il-vetturi.

fit-territorju tagħhom, jiġu varati stazzjonijiet tal-irriċarġjar, b’mod bilanċjat fit-territorju, li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief li jipprovdu output suffiċjenti tal-potenza għal dawk il-vetturi.

Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem kull sena, mis-sena msemmija fl-Artikolu 24, il-miri tal-output tal-potenza li ġejjin jintlaħqu b’mod kumulattiv:

Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem kull sena, mis-sena msemmija fl-Artikolu 24, il-miri tal-output tal-potenza li ġejjin jintlaħqu b’mod kumulattiv:

(a)

għal kull vettura elettrika ħafifa bil-batterija rreġistrata fit-territorju tagħhom, jiġi pprovdut output totali tal-potenza ta’ mill-inqas 1 kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku; u

(a)

għal kull vettura elettrika ħafifa bil-batterija rreġistrata fit-territorju tagħhom, jiġi pprovdut output totali tal-potenza ta’ mill-inqas 1 kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku; u

(b)

għal kull vettura ibrida rikarikabbli ħafifa rreġistrata fit-territorju tagħhom, jiġi pprovdut output totali tal-potenza ta’ mill-inqas 0,66  kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

(b)

għal kull vettura ibrida rikarikabbli ħafifa rreġistrata fit-territorju tagħhom, jiġi pprovdut output totali tal-potenza ta’ mill-inqas 0,66  kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

2.   […]

2.   […]

3.   L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanzi massimi msemmija fil-punti (a) u (b) ma jinqabżux għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T.

3.    L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll l-objettivi tal-Artikolu 174 TFUE meta jibnu u jippromovu l-infrastruttura tal-irriċarġjar skont it-tifsira tal-paragrafu 2, u jiżguraw id-disponibbiltà f’żoni b’popolazzjoni inqas densa.

 

4.    L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanzi massimi msemmija fil-punti (a) u (b) ma jinqabżux għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T.

Raġuni

Sabiex jiġu promossi sistemi alternattivi ta’ propulsjoni, l-infrastruttura tal-irriċarġjar meħtieġa trid tkun disponibbli wkoll barra n-networks tat-TEN-T f’żoni fejn l-għadd ta’ utenti huwa aktar baxx minħabba densità tal-popolazzjoni aktar baxxa u fejn l-implimentazzjoni tas-settur privat hija inqas profittabbli.

Emenda 18

Artikolu 3(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief fin-network tat-toroq fit-territorju tagħhom. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief fin-network tat-toroq fit-territorju tagħhom. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

tul in-network ewlieni TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

(a)

tul in-network ewlieni TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

 

(i)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW ;

 

(i)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 500 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 250 kW ;

 

(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW ;

 

(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 900 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 250 kW ;

(b)

tul in-network komprensiv TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

(b)

tul in-network komprensiv TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

 

(i)

sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW ;

 

(i)

sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 500 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 250 kW ;

 

(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2035, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW .

 

(ii)

sal-31 ta’ Diċembru 2035, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 900 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 250 kW .

 

(c)

f’każijiet debitament ġustifikati, f’reġjuni b’ċerti karatteristiċi speċifiċi (pereżempju, il-pożizzjoni ġeografika, topografija li toħloq diffikultà, jew id-densità tal-popolazzjoni), u fejn rekwiżit ibbażat fuq id-distanza huwa diffiċli biex jiġi ġġustifikat mill-perspettiva tal-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji mil-lat soċjoekonomiku, jistgħu jiġu installati outputs ta’ potenza aktar baxxa, madankollu kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon tal-irriċarġjar wieħed b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw tali eżenzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea.

Raġuni

Studju reċenti tal-Parlament Ewropew (1) ikkonkluda li l-enerġija tal-iċċarġjar issuġġerita għall-punti tal-iċċarġjar fuq it-TEN-T u n-nodi urbani hija baxxa wisq. Dan jista’ jxekkel l-użu tal-EVs.

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet, dawn huma meħtieġa peress li approċċ ibbażat biss fuq id-distanza għall-post tal-infrastruttura tal-iċċarġjar mhuwiex koerenti mal-ħtieġa lokali u reġjonali ta’ infrastruttura tar-riforniment. L-istabbiliment tal-istess miri bbażati fuq id-distanza u miri tal-karga tal-iċċarġjar għall-Unjoni kollha ma jqisux id-differenza reġjonali (id-densità tal-popolazzjoni, il-pożizzjoni ġeografika).

Emenda 19

Artikolu 4(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

[…]

[…]

(d)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’kull nodu urban għandhom jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal li jipprovdu output tal-potenza aggregat ta’ mill-inqas 600 kW , fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW ;

(d)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’kull nodu urban għandhom jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal li jipprovdu output tal-potenza aggregat ta’ mill-inqas 900 kW , fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 300 kW ;

(e)

sal-31 ta’ Diċembru 2030, f’kull nodu urban għandhom jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal li jipprovdu output tal-potenza aggregat ta’ mill-inqas 1 200  kW , fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW .

(e)

sal-31 ta’ Diċembru 2030, f’kull nodu urban għandhom jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal li jipprovdu output tal-potenza aggregat ta’ mill-inqas 2 000  kW , fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 300 kW .

 

(f)

f’każijiet debitament ġustifikati, f’reġjuni b’ċerti karatteristiċi speċifiċi (pereżempju, il-pożizzjoni ġeografika, topografija li toħloq diffikultà, jew id-densità tal-popolazzjoni), u fejn rekwiżit ibbażat fuq id-distanza huwa diffiċli biex jiġi ġġustifikat mill-perspettiva tal-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji mil-lat soċjoekonomiku, jistgħu jiġu installati outputs ta’ potenza aktar baxxa, madankollu b’potenza aggregata ta’ mill-inqas 600 kW għall-vetturi tqal u b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw tali eżenzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea.

Raġuni

L-istess bħall-emenda 18.

Emenda 20

Artikolu 6(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, jiġi stabbilit għadd minimu ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru  2030 .

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, jiġi stabbilit għadd minimu ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru  2027 .

Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru  2030 , jiġu varati stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku b’kapaċità minima ta’ 2 t/jum u mgħammra b’distributur ta’ mill-inqas 700 bar b’distanza massima ta’ 150 km bejniethom tul in-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T. […]

Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru  2027 , jiġu varati stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku b’kapaċità minima ta’ 4 t/jum u mgħammra b’distributur ta’ mill-inqas 700 bar b’distanza massima ta’ 150 km bejniethom tul in-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T. […]

Raġuni

Proġetti tat-trakkijiet tal-idroġenu diġà jeżistu f’ħafna Stati Membri u reġjuni. Dawn jeħtieġu ċertezza tal-ippjanar mingħajr dewmien. Għalhekk għandu jsir provvediment għal limitu ta’ żmien aktar bikri u kapaċità ogħla.

Emenda 21

Artikolu 13(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jqisu , kif xieraq, l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għat-trasport pubbliku, kif ukoll dawk tal-partijiet ikkonċernati involuti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jqisu l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għat-trasport pubbliku, kif ukoll dawk tal-partijiet ikkonċernati involuti. L-oqfsa ta’ politika nazzjonali għandhom jinkludu mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-livell sottonazzjonali biex jiġi inkorporat ċirku permanenti ta’ feedback tal-livell lokali fl-istrateġiji tal-Istati Membri rispettivi għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. L-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi trid tkun disponibbli fir-reġjuni kollha. Għalhekk, għandhom jiġu inklużi miri ta’ varar għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi reġjonali (NUTS 2) biex tiġi żgurata l-koeżjoni tal-Unjoni.

Raġuni

Għalkemm il-Premessi 16 u 38 jinnotaw il-ħtieġa li jiġi inkluż approċċ f’diversi livelli fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali, dan mhuwiex definit aktar fl-Artikolu korrispondenti, li jkun opportunità mitlufa biex jiġi inkorporat mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali, li jippermetti feedback siewi fil-livell reġjonali fl-istrateġiji rispettivi tal-Istati Membri għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u jżid mal-koerenza ġenerali tagħha.

Emenda 22

Artikolu 13(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

4.    Fejn ikun meħtieġ , l-Istati Membri għandhom jikkooperaw, permezz ta’ konsultazzjonijiet jew oqfsa ta’ politika konġunti, biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa ħalli jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ikunu koerenti u kkoordinati. […]

4.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, permezz ta’ konsultazzjonijiet jew oqfsa ta’ politika konġunti, biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa ħalli jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ikunu koerenti u kkoordinati mal-livell sottonazzjonali u jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif ukoll tal-governanza f’diversi livelli . […]

Raġuni

L-istess bħall-emenda 21.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Tranżizzjoni ġusta

1.

jissottolinja li jridu jitwettqu riċerka u mmappjar tal-konsegwenzi fuq l-impjiegi u x-xejriet ta’ bidla lejn industrija tal-karozzi newtrali għall-klima. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt territorjali ta’ dan ir-Regolament fuq l-industrija tal-karozzi, il-forza tax-xogħol u r-reġjuni;

2.

jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-industrija tal-karozzi Ewropea lejn vetturi b’emissjonijiet żero hija l-aktar bidla strutturali komprensiva fis-settur sal-lum, b’għadd kbir ta’ impatti fuq il-ħaddiema, il-fornituri u l-gruppi tal-manifatturi tal-karozzi fl-Ewropa. Fid-dawl ta’ din it-trasformazzjoni kbira ta’ wieħed mis-setturi Ewropej ewlenin, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibda djalogu olistiku u strateġiku fit-tul dwar it-trasformazzjoni tas-settur awtomobilistiku fl-UE mal-partijiet interessati rilevanti kollha (fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali, fornituri, trade unions, akkademiċi, assoċjazzjonijiet ambjentali, NGOs, is-soċjetà ċivili, ir-reġjuni u l-bliet, eċċ.) sabiex tipprovdi appoġġ politiku għall-bidla strutturali tas-settur, u tanalizza u tappoġġja l-ħtiġijiet tiegħu. Jappoġġja l-forom eżistenti ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE, li jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, bħall-inizjattiva “Automotive Skills Alliance” iffokata fuq it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur awtomobilistiku, l-iżvilupp tal-intelligence u t-trawwim ta’ djalogu fost l-imsieħba u l-partijiet interessati rilevanti kollha fis-settur;

3.

jappoġġja t-tfassil ta’ pjani speċifiċi għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ u r-riallokazzjoni tal-ħaddiema fl-industrija tal-karozzi, b’mod partikolari fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni;

4.

jappoġġja r-riżorsi pubbliċi li qed isiru disponibbli għal Programm għal Tranżizzjoni Ġusta għall-ekosistema awtomobilistika. Il-mudell tagħha għandu jkun il-Pjattaforma attwali għal Tranżizzjoni Ġusta. Il-finanzjament għall-pjani reġjonali permezz tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta llum iservi lil miljuni ta’ ħaddiema f’żoni industrijali intensivi fil-karbonju bħall-estrazzjoni tal-faħam, inkluż Fond iddedikat għal Tranżizzjoni Ġusta;

5.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi “Mekkaniżmu Ewropew għal tranżizzjoni ġusta tal-industrija u r-reġjuni tal-karozzi”, li għandu juża l-fondi Ewropej u jiżgura li jiġu indirizzati l-isfidi fir-reġjuni l-aktar affettwati mit-trasformazzjoni, u jilħaq lill-SMEs kollha fil-katina tal-provvista biex jadattaw għall-bidliet fil-katina tal-valur tas-settur awtomobilistiku;

6.

iqis li dan il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

riżorsi adegwati

(b)

l-appoġġ għall-politiki u l-iskambji tal-aħjar prattiki

(c)

l-ippjanar tat-tranżizzjoni u d-djalogu soċjali.

Il-fondi allokati fi ħdan il-mekkaniżmu jridu jkunu mmirati direttament lejn il-forza tax-xogħol affettwata u distribwiti b’mod trasparenti permezz tar-reġjuni u l-bliet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi bil-kompetenza fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja. Dawn ma għandhomx ikunu salvataġġ għall-kumpaniji awtomobilistiċi, iżda investiment pubbliku fit-titjib tal-ħiliet, fid-diversifikazzjoni, u fl-edukazzjoni tal-forza tax-xogħol;

7.

jilqa’ l-inizjattiva għal “alleanza ta’ reġjuni għal tranżizzjoni ġusta tal-industrija Ewropea tal-produzzjoni u tal-provvista tal-karozzi”. Dawn ir-reġjuni, b’industrija tal-karozzi b’saħħitha, iridu jaqdu rwol attiv biex jiżguraw li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa’ lura u li s-sistema ta’ mobilità l-ġdida, sostenibbli u li taħdem b’mod alternattiv tkun affordabbli u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha fir-reġjuni kollha. Il-KtR jappoġġja bis-sħiħ it-talba tal-Alleanza għal mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni ġusta għar-reġjuni li jiddependu mill-industrija tal-vetturi sabiex jiġu ġestiti l-bidliet fl-industrija;

8.

jissottolinja li l-investimenti fl-edukazzjoni vokazzjonali u ta’ teknoloġija avvanzata meħtieġa għall-ħiliet il-ġodda fil-mobbiltà elettrika għandhom ikunu disponibbli għal-livell lokali u reġjonali;

9.

jappoġġja ż-żamma fl-istess territorju ta’ operazzjonijiet ġodda fil-mobbiltà alternattiva tal-istess kumpanija awtomobilistika, bl-għoti ta’ prijorità lill-impjanti eżistenti;

Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

10.

iqis l-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment għal sistemi ta’ propulsjoni alternattivi, flimkien mal-istandards il-ġodda tal-emissjonijiet tas-CO2 u, b’mod partikolari, iż-żieda fl-elettromobbiltà, bħala kundizzjoni ewlenija biex jintlaħqu l-miri klimatiċi fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali. L-obbligi eżistenti tal-UE b’rabta mar-rekwiżiti tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment mhumiex biżżejjed għal dan il-għan;

11.

jilqa’ l-fatt li, bit-trasformazzjoni tad-Direttiva dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi f’Regolament, il-Kummissjoni qed tipproponi għall-ewwel darba rekwiżiti minimi obbligatorji għall-UE kollha, uniformi u, fuq kollox, transmodali għal din l-infrastruttura fl-Istati Membri;

12.

jappoġġja d-dekarbonizzazzjoni sħiħa tas-settur tat-trasport bit-triq sal-2050;

13.

jenfasizza li, fil-prinċipju, hija meħtieġa trasparenza għall-manifatturi fir-rigward ta’ tipi differenti ta’ propulsjoni u soluzzjonijiet tekniċi sabiex jintlaħaq l-objettiv li mill-2035 ’il quddiem jiġu rreġistrati biss vetturi b’emissjonijiet żero fl-UE;

14.

skont il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura l-kompetizzjoni fit-teknoloġija, kif ukoll alternattivi għaż-żoni rurali u remoti, bħall-bijofjuwils avvanzati (ara l-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils fl-Anness IX tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli);

15.

jitlob valutazzjoni tal-intensità tal-emissjonijiet tal-bijofjuwils (2); din il-valutazzjoni trid tqis iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-bijofjuwils u l-impatti tiegħu fuq it-tibdil fl-użu tal-art, il-fatturi indiretti tat-tibdil fl-użu tal-art, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel;

16.

għandha tingħata attenzjoni speċjali lil:

punti pubbliċi tal-iċċarġjar f’żoni urbani fejn għadd dejjem akbar ta’ vetturi elettriċi mhux se jkollhom aċċess għal parkeġġ privat

punti pubbliċi ta’ ċċarġjar f’żoni remoti u rurali;

17.

jitlob li jiġi promoss l-iżvilupp tal-użu tat-teknoloġija tal-idroġenu fit-trasport bit-triq, li bħalissa jinsab għaddej minn fażi dinamika, u li jinħolqu kundizzjonijiet għal network komprensiv biżżejjed ta’ punti ta’ riforniment tal-idroġenu, hekk kif is-soluzzjonijiet tekniċi meħtieġa jkunu disponibbli u d-domanda tkun magħrufa. Is-snin 2027 u 2035 huma adatti bħala stadji importanti għal pjan direzzjonali b’miżuri korrispondenti. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu t-tħejjija tal-leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet relatati meħtieġa. Madankollu, għandu jkun hemm possibbiltajiet għall-għoti ta’ derogi f’każijiet debitament ġustifikati fejn il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni (bħall-pożizzjoni ġeografika jew id-densità tal-popolazzjoni) jagħmluha diffiċli li jiġu ġġustifikati r-rekwiżiti stabbiliti minn perspettiva soċjoekonomika;

18.

jissottolinja l-ħtieġa ta’ infrastruttura speċifika għall-vetturi tqal, b’mod speċjali t-trasport pubbliku;

19.

l-aċċess faċli għal iċċarġjar intelliġenti u veloċi, kif ukoll informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar, soluzzjonijiet ta’ pagament, tariffi tal-iċċarġjar (trasparenza tal-prezzijiet), eċċ. huma essenzjali;

20.

jappella sabiex, meta jiġi vvalutat l-investiment f’sistemi ta’ propulsjoni alternattivi fit-trasport bit-triq, tingħata prijorità lill-miżuri ta’ trasferiment tal-merkanzija lejn il-ferroviji;

Ġenerali

21.

jilqa’ l-intenzjoni li jiġu indirizzati l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità karbonika. Il-karozzi u l-vannijiet jirrappreżentaw l-akbar sehem ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fit-trasport f’termini assoluti, u qed jiżdiedu l-emissjonijiet medji mill-karozzi b’magna ta’ kombustjoni interna;

22.

jissottolinja l-problema tas-swieq tal-karozzi użati ta’ karozzi li jniġġsu fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li tittrasferixxi t-tniġġis tossiku u l-problemi ta’ “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” lejn reġjuni inqas żviluppati. Dan qed jimpedixxi l-koeżjoni tal-UE u jaħdem kontra l-valur ewlieni li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom dritt ugwali għal arja nadifa. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura limiti fuq il-fluss ta’ vetturi qodma li jniġġsu b’mod li jipproteġi l-ambjent u s-saħħa pubblika, u li jkun allinjat mas-suq uniku;

23.

jissuġġerixxi t-tfassil ta’ standard Euro7/VII ġdid, b’mod li jkun adattat għall-possibilitajiet tekniċi eżistenti għat-tnaqqis tat-tniġġis. Fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tal-istandard Euro 7/VII ma għandhomx jikkompromettu l-ispejjeż għoljin meħtieġa tal-innovazzjoni li qed tiffaċċja l-industrija biex timplimenta sistemi ġodda ta’ propulsjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi;

24.

minħabba l-impatt potenzjali ta’ dan ir-Regolament fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-KtR jissottolinja l-importanza li jiġi infurmat mill-koleġiżlaturi dwar il-bidliet kollha għall-proposta inizjali f’kull stadju tal-proċedura leġiżlattiva, inklużi n-negozjati tat-trilogu, f’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, b’hekk il-KtR ikun jista’ jwettaq b’mod xieraq il-prerogattivi tiegħu tat-Trattat (l-Artikolu 91 tat-TFUE);

25.

iqis li ż-żewġ abbozzi ta’ regolament jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam u l-bażijiet legali rilevanti magħżula mill-Kummissjoni huma ċari u koerenti. Jiddispjaċih madankollu li għall-kuntrarju ta’ proposti oħrajn imressqa fil-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, l-abbozz ta’ regolament dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi (COM(2021) 559) ma kienx akkumpanjat minn tabella ta’ valutazzjoni tas-sussidjarjetà, u jinnota li żewġ parlamenti nazzjonali ħarġu opinjoni motivata dwar in-nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà sal-iskadenza għas-sottomissjonijiet, stabbilita għat-8 ta’ Novembru 2021.

Brussell, is-26 ta’ Jannar 2022.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Research for TRAN Committee – Alternative fuel infrastructures for heavy-duty vehicles | Think Tank | Parlament Ewropew (europa.eu)

(2)  The land use change impact of biofuels consumed in the EU Quantification of area and greenhouse gas impacts (L-impatt tat-tibdil fl-użu tal-art tal-bijofjuwils ikkonsmati fl-UE Kwantifikazzjoni tal-impatti taż-żona u tal-gassijiet serra) https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/Final%20Report_GLOBIOM_publication.pdf.