|
ISSN 1977-0987 |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 260 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 65 |
|
Werrej |
Paġna |
|
|
|
II Komunikazzjonijiet |
|
|
|
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2022/C 260/01 |
Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10775 — GBL / AFFIDEA) ( 1 ) |
|
|
IV Informazzjoni |
|
|
|
INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2022/C 260/02 |
||
|
|
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data |
|
|
2022/C 260/03 |
|
|
V Avviżi |
|
|
|
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2022/C 260/04 |
||
|
|
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI |
|
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
|
2022/C 260/05 |
Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10659 – VITERRA / GAVILON AGRICULTURE INVESTMENT) ( 1 ) |
|
|
|
|
|
(1) Test b'rilevanza għaż-ŻEE. |
|
MT |
|
II Komunikazzjonijiet
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
|
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 260/1 |
Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata
(Il-Każ M.10775 — GBL / AFFIDEA)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(2022/C 260/01)
Fit 29 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:
|
— |
fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali, |
|
— |
f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10775. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea. |
IV Informazzjoni
INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
|
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 260/2 |
Rata tal-kambju tal-euro (1)
Il-5 ta' Lulju 2022
(2022/C 260/02)
1 euro =
|
|
Munita |
Rata tal-kambju |
|
USD |
Dollaru Amerikan |
1,0290 |
|
JPY |
Yen Ġappuniż |
139,77 |
|
DKK |
Krona Daniża |
7,4396 |
|
GBP |
Lira Sterlina |
0,85845 |
|
SEK |
Krona Żvediża |
10,8031 |
|
CHF |
Frank Żvizzeru |
0,9932 |
|
ISK |
Krona Iżlandiża |
139,10 |
|
NOK |
Krona Norveġiża |
10,2850 |
|
BGN |
Lev Bulgaru |
1,9558 |
|
CZK |
Krona Ċeka |
24,751 |
|
HUF |
Forint Ungeriż |
407,38 |
|
PLN |
Zloty Pollakk |
4,7448 |
|
RON |
Leu Rumen |
4,9438 |
|
TRY |
Lira Turka |
17,5049 |
|
AUD |
Dollaru Awstraljan |
1,5180 |
|
CAD |
Dollaru Kanadiż |
1,3364 |
|
HKD |
Dollaru ta’ Hong Kong |
8,0748 |
|
NZD |
Dollaru tan-New Zealand |
1,6772 |
|
SGD |
Dollaru tas-Singapor |
1,4455 |
|
KRW |
Won tal-Korea t’Isfel |
1 348,97 |
|
ZAR |
Rand ta’ l-Afrika t’Isfel |
16,9143 |
|
CNY |
Yuan ren-min-bi Ċiniż |
6,9029 |
|
HRK |
Kuna Kroata |
7,5246 |
|
IDR |
Rupiah Indoneżjan |
15 487,93 |
|
MYR |
Ringgit Malażjan |
4,5477 |
|
PHP |
Peso Filippin |
57,009 |
|
RUB |
Rouble Russu |
|
|
THB |
Baht Tajlandiż |
36,879 |
|
BRL |
Real Brażiljan |
5,5141 |
|
MXN |
Peso Messikan |
21,0171 |
|
INR |
Rupi Indjan |
81,6730 |
(1) Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
|
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 260/3 |
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud
(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinkiseb bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)
(2022/C 260/03)
Fis-26 ta’ April 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-Proposta”).
L-objettiv tal-Proposta huwa li temenda l-Ftehim attwalment fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva (“il-Ftehim”). Il-Ftehim jippermetti lill-Istati Membri tal-UE u lin-Norveġja jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u jassistu lil xulxin biex jirkupraw talbiet fil-qasam tal-VAT b’mod simili kif jagħmlu l-Istati Membri tal-UE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (1) u d-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (2). L-emenda tal-Ftehim għandha tippermetti kooperazzjoni amministrattiva man-Norveġja b’għodod ġodda ta’ kooperazzjoni, simili għal dawk introdotti fir-Regolament (UE) Nru 904/2010 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 (3).
L-Anness għall-Proposta fih id-direttivi ta’ negozjar għall-emenda tal-Ftehim, li għandhom ikopru l-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bl-użu ta’ mezzi oħra minflok forom standard; investigazzjonijiet amministrattivi li jsiru b’mod konġunt u azzjonijiet ta’ segwitu tal-Eurofisc, introdotti bir-Regolament (UE) 2018/1541. Id-direttivi ta’ negozjar jindikaw ukoll il-ħtieġa li r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mħassra tiġi sostitwita bir-Regolament (4) (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“il-GDPR”).
L-EDPS jieħu nota tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data li jikkonċernaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop u tal-limitazzjoni tal-ħżin stabbilit fl-Artikolu 55(5) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1541, li skontu ser isseħħ il-kooperazzjoni bejn in-Norveġja u l-Istati Membri tal-UE. Madankollu, l-EDPS jirrakkomanda li fid-direttivi ta’ negozjar tiġi inkluża referenza espliċita għal dawn is-salvagwardji.
L-EDPS jieħu nota tas-salvagwardji li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali li diġà jinsabu fil-Ftehim. Madankollu, l-EDPS jirrakkomanda allinjament sostanzjali ulterjuri tal-Artikolu 6(7) tal-Ftehim mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu V tal-GDPR.
L-EDPS jirrakkomanda wkoll li tiddaħħal referenza għal din il-konsultazzjoni tal-EDPS fi Premessa tal-Proposta.
1. INTRODUZZJONI
|
1. |
Fis-26 ta’ April 2022, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (6) (“il-Proposta”). |
|
2. |
L-objettiv tal-Proposta huwa li jiġi emendat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-Ftehim”) (7) billi jiġu inklużi għodod ġodda li jippermettu kooperazzjoni aħjar u jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi, u b’hekk iġibu vantaġġi għaż-żewġ partijiet għall-Ftehim (in-Norveġja u l-Istati Membri) (8). |
|
3. |
L-Opinjoni preżenti tal-EDPS hija maħruġa bi tweġiba għal konsultazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2022, skont l-Artikolu 42(1) tal-EUDPR. |
5. KONKLUŻJONIJIET
|
18. |
Fid-dawl ta’ dan imsemmi hawn fuq, l-EDPS jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
|
Brussell, 20 ta' Ġunju 2022.
Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(2) Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għallirkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 tat-2 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 1).
(4) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(5) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(6) COM (2022) 166 finali.
(7) Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3).
(8) COM (2022) 166 finali, p. 2.
V Avviżi
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI
Il-Kummissjoni Ewropea
|
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 260/5 |
Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 li jimponu miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara s-sentenzi tas-27 ta’ April 2022 fil-kawżi T-242/19 u T-243/19
(2022/C 260/04)
1. Sentenzi
Fis-sentenzi tagħha tas-27 ta’ April 2022, fil-Kawżi T-242/19 (1) u T-243/19 (2) Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (Giant) vs Il-Kummissjoni (is-sentenzi), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”) annullat rispettivament ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (4) (“ir-regolamenti inkwistjoni”) sa fejn hija kkonċernata Giant.
Giant ikkontestat l-aġġustament li sar fuq il-prezz tal-esportazzjoni tagħha għall-bejgħ permezz ta’ negozjanti relatati stabbiliti fl-Unjoni bl-użu b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (5) (“ir-Regolament antidumping bażiku”) fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. B’mod partikolari, Giant sostniet li l-aġġustament - it-tnaqqis tal-SG&A tal-importatur relatat u profitt nozzjonali - bidel il-livell ta’ kummerċ tal-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha, li rriżulta fit-tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha fil-livell ta’ importatur mal-prezzijiet tal-Unjoni fil-livell tal-bejjiegħa bl-imnut. Dan il-prezz tal-esportazzjoni aġġustat ġie mqabbel mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-ewwel klijenti indipendenti tagħhom permezz ta’ bejgħ permezz ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati fl-UE għall-fini tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz. Giant ikkontestat ukoll it-trattament tal-bejgħ tal-Manifattur tat-Tagħmir Oriġinali (OEM) għall-fini tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Fil-fehma ta’ Giant, il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti bil-marka proprja lill-bejjiegħa bl-imnut kellu jiġi aġġustat biex jinġieb għal-livell ta’ bejgħ lil klijent OEM mhux relatat fl-Unjoni qabel ma tqabbel mal-bejgħ OEM tagħha.
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina l-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u li hija kienet intitolata li tibbaża l-analiżi tagħha tad-dannu u, għalhekk, ir-rabta kawżali, fuq fenomeni oħra tal-prezzijiet elenkati, rispettivament, fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament antidumping bażiku u fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 (6) (“ir-Regolament antidumping bażiku”), bħal tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jew il-prevenzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet b’mod notevoli. Madankollu, fiż-żewġ kawżi, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 8(2), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li billi ħadet inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ċerti elementi li hija kienet madankollu naqqset mill-prezzijiet tar-rikorrent (jew ma kinux preżenti fir-rigward tal-bejgħ OEM peress li l-kummerċjalizzazzjoni downstream tal-prodott ikkonċernat (7) twettqet mix-xerrej indipendenti nnifsu), il-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust meta kkalkolat il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tar-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan l-iżball metodoloġiku kkonstatat kellu l-effett li jidentifika twaqqigħ tal-prezzijiet li l-importanza jew l-eżistenza tiegħu ma kinitx ġiet stabbilita b’mod korrett.
Meta qieset l-importanza li l-Kummissjoni kienet tat lill-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz bħala indikatur ta’ importanza primarja fis-sejba tagħha ta’ dannu u element deċiżiv fil-konklużjoni dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew issussidjati, u dak id-dannu, il-Qorti Ġenerali sabet li l-iżball fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kien biżżejjed biex jinvalida l-analiżi tal-Kummissjoni tar-rabtiet kawżali rispettivi, li l-eżistenza tagħha hija element essenzjali għall-impożizzjoni ta’ miżuri.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li indipendentement mill-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jew l-Artikolu 8 tar-Regolament antidumping bażiku, in-natura inġusta tal-paragun ikkostatat taħt it-tieni parti ta’ dak il-motiv ivvizzjat, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-Kummissjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet (8) (9).
Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu kien iddeterminat fuq il-bażi ta’ paragunl li jinvolvi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, aġġustat kif xieraq għall-ispejjeż tal-importazzjoni u d-dazji doganali, kif kien ġie stabbilit għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz (10) (11). Konsegwentement, hija qieset li ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza tal-iżball metodoloġiku relatat mat-twaqqigħ tal-prezzijiet tar-rikorrenti, il-marġni ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell iktar baxx minn dak stabbilit fir-regolamenti kontenzjużi u iktar baxx mill-marġni ta’ dumping jew mill-ammont ta’ sussidji kumpensabbli stabbiliti fih. F’dak il-każ, f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament antisussidji bażikus, l-ammont tad-dazji rispettivi jenħtieġ li jitnaqqas għal rata li tkun biżżejjed biex dak id-dannu jitneħħa (12) (13).
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat iż-żewġ regolamenti inkwistjoni sa fejn kienet ikkonċernata Giant.
2. Konsegwenzi
L-Artikolu 266 TFUE jipprevedi li l-Istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qrati. Fil-każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-Istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħall-investigazzjonijiet anti-dumping jew antisussidji, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, li fih l-illegalità identifikata mill-Qorti tiġi eliminata (14).
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ tissokta fil-punt eżatt li fih saret l-illegalità (15). Dan jimplika b’mod partikolari li, f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-ftuħ tal-proċedura antidumping. F’sitwazzjoni fejn, pereżempju, Regolament li jimponi miżuri anti-dumping definittivi jiġi annullat, dan ifisser li wara l-annullament, il-proċediment anti-dumping ikun għadu miftuħ, minħabba li l-att li jikkonkludi l-proċediment anti-dumping ikun sparixxa mill-ordni legali tal-Unjoni (16), ħlief jekk l-illegalità tkun saret fl-istadju tal-bidu.
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolamenti anti-dumping u antisussidji inkwistjoni għal raġuni waħda komuni, jiġifieri, li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel paragun ġust fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fl-istess livell ta’ kummerċ meta kienet qed tiddetermina l-eżistenza ta’ twaqqigħ sinifikanti fil-prezz. Skont il-Qorti Ġenerali, dan l-iżball affettwa wkoll l-analiżi tal-kawżalità u potenzjalment il-marġni tad-dannu fir-rigward tar-rikorrenti.
Il-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet li jifdal fir-regolamenti inkwistjoni li ma ġewx ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda mhux eżaminati mill-Qorti Ġenerali jibqgħu validi u ma humiex affettwati minn dan il-ftuħ mill-ġdid.
3. Proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li wasslu għall-adozzjoni tar-regolamenti inkwistjoni, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet oriġinali jissoktahom fil-punt li fih seħħet l-irregolarità.
L-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet oriġinali huwa li jiġu indirizzati b’mod sħiħ l-iżbalji identifikati mill-Qorti Ġenerali u li jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tar-regoli kif iċċarati mill-Qorti Ġenerali tiġġustifikax l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri fil-livell oriġinali jew rivedut, jekk ikun hemm, mid-data li fiha r-regolamenti inkwistjoni oriġinarjament daħlu fis-seħħ.
Il-partijiet interessati huma b’dan infurmati li responsabbiltà futura tista’ tirriżulta mis-sejbiet ta’ dan ir-rieżami.
4. Is-sottomissjonijiet bil-miktub
Il-partijiet interessati kollha, u b’mod partikolari Giant, huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom, jissottomettu tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ appoġġ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkunu jirrigwardaw il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet interessati.
6. Istruzzjonijiet għall-preżentazzjonijiet bil-miktub u biex tintbagħat il-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ huma ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-dritt tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittivi) (17). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” (Sensittiva) huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament antisussidji bażiku, li jkunu mmarkati bil-kliem “For inspection by interested parties” (“Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”). Dawn is-sommarji għandhom ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ)” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika uffiċċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate G |
|
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
TRON. tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Indirizz Elettroniku: TRADE-AS646a-AD643a-EBIKES@ec.europa.eu
7. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fiż-żmien stipulat, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru sejbiet provviżorji jew finali, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku tal-antidumping u l-Artikolu 28 tar-Regolament antisussidji bażiku.
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u/jew l-Artikolu 28 tar-Regolament antisussidji bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku din tkun ikkooperat.
In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata m’għandux jitqies bħala nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.
8. L-Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u ta’ terzi li jistgħu jirriżultaw matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti jew partujiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għal din it-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għal talbiet għal interventi, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.
Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.
9. L-ipproċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence.
10. Tagħrif lill-awtoritajiet doganali
Mis-7 ta’ Lulju 2022, u sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ dan ir-rieżami, ir-responsabbiltà finali ta’ ħlas ta’ dazji antidumping u kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ roti, b’assistenza fil-qdif, b’mutur elettriku awżiljarju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (kodiċi TARIC 8711609010), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li huma prodotti minn Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C383) hija sospiża.
Billi l-ammont tar-responsabbiltà finali li jirriżulta mir-rieżami mhuwiex ċert f’dan l-istadju, il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali biex jistennew l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni qabel jiddeċiedu dwar kwalunkwe pretensjoni ta’ ħlas lura dwar id-dazju tal-antidumping u kumpensatorji annullati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd.
Konsegwentement, id-dazji antidumping u kumpensatorji mħallsa rispettivament skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti, b’assistenza fil-qdif, b’mutur elettriku awżiljarju, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C383) jenħtieġ li ma jitħallsux lura jew jiġu rimessi qabel l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni.
11. Divulgazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li ġew irreġistrati bħala tali matul l-investigazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tar-regolamenti inkwistjoni se jiġu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta s-sentenzi msemmija hawn fuq fi żmien xieraq u se jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni finali.
(1) Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:259.
(2) Il-Kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:260.
(3) ĠU L 16, 18.1.2019, p. 108.
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(7) Kif definit fir-regolament inkwistjoni.
(8) Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:259, paragrafu 126..
(9) Il-Kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:260, paragrafu 118..
(10) Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:259, paragrafu 122..
(11) Il-Kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:260, paragrafu 114..
(12) Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:259, paragrafu 123..
(13) Il-Kawża T-243/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:260, paragrafu 115..
(14) Il-Kawżi Magħquda 97, 193, 99 u 215/86 Asteris AE u oħrajn u r-Repubblika Ellenika vs il-Kummissjoni [1988] Ġabra 2181, il-paragrafi 27 u 28. U l-Kawża T-440/20 Jindal Saw v il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:318.
(15) Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, il-paragrafu 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs il-Kunsill [2000] I-8147, il-paragrafi 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs il-Kummissjoni [2008] II-1753, paragrafi 99 u 142; Il-Kawżi Konġunti T-267/08 u T-279/08 Région Nord-Pas de Calais vs il-Kummissjoni [2011] II-0000, paragrafu 83.
(16) Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, il-paragrafu 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs il-Kunsill [2000] I-8147, il-paragrafi 80 sa 85;
(17) Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(18) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI
Il-Kummissjoni Ewropea
|
6.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 260/10 |
Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni
(Il-Każ M.10659 – VITERRA / GAVILON AGRICULTURE INVESTMENT)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
(2022/C 260/05)
1.
Fit-28 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:
|
— |
Viterra Limited (“Viterra”, in-Netherlands), |
|
— |
In-negozju tal-qamħ u l-ingredjenti ta’ Gavilon Agriculture Investment, Inc. (“in-negozju taċ-ċereali u l-ingredjenti ta’ Gavilon”, l-Istati Uniti tal-Amerka). |
Viterra takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv tan-negozju kollu tal-qamħ u tal-ingredjenti ta’ Gavilon.
Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.
2.
L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:|
— |
Viterra hija attiva fl-oriġini, fil-kummerċjalizzazzjoni, fl-ipproċessar, fir-raffinar, fil-ħżin u fl-immaniġġar ta’ prodotti bażiċi agrikoli globalment inklużi l-ħbub u l-ħemes, iż-żrieragħ żejtnin, l-ikliet taż-żrieragħ żejtnin, iż-żjut mhux raffinati u dawk raffinati u l-qamħ imnixxef tad-distillaturi. B’mod partikolari, Viterra hija attiva fil-provvista tal-qamħirrum u s-segala fi Spanja u fil-qamħ fl-Italja, |
|
— |
In-negozju tal-ħbub u l-ingredjenti ta’ Gavilon huwa attiv fl-oriġini, fil-ħżin tal-m, fl-immaniġġar, fil-loġistika, fil-kummerċjalizzazzjoni, u fid-distribuzzjoni ta’ ħbub u ingredjenti, inklużi ħbub u legumi, żrieragħ żejtnin, pasti miż-żrieragħ żejtnin, żjut mhux raffinati u raffinati u qamħ imnixxef tad-distillaturi. B’mod partikolari, in-negozju tal-qamħ u l-ingredjenti ta’ Gavilon huwa attiv fil-provvista tal-qamħirrum u s-segala fi Spanja, kif ukoll fil-qamħ fl-Italja. |
3.
Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.
4.
Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:
M.10659 – VITERRA / GAVILON AGRICULTURE INVESTMENT
Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:
Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu
Faks +32 22964301
Indirizz postali:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Competition |
|
Merger Registry |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
(1) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).