ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 248

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
30 ta' Ġunju 2022


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 248/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI — Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali

1

 

Il–Kunsill

2022/C 248/02

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompetenza esklużiva fir-rigward tar-Regolament UE 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

86


 

III   Atti preparatorji

 

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

2022/C 248/03

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ April 2022 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ poteri superviżorji, sanzjonijiet, fergħat f’pajjiżi terzi, riskju ambjentali, soċjali u ta’ governanza. (CON/2022/16)

87


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il–Kunsill

2022/C 248/04

Konklużjonijiet tal-Kunsill: Nindirizzaw id-dimensjoni esterna ta’ theddida terroristika u estremista vjolenti dejjem tevolvi

97

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 248/05

Rata tal-kambju tal-euro — Id-29 ta’ Ġunju 2022

104

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2022/C 248/06

Avviż ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar- Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità — Modifika tal-obbligi tas-servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi tal-ajru skedati ( 1 )

105

2022/C 248/07

Avviż ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar- Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità — Modifika tal-obbligi tas-servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi tal-ajru skedati ( 1 )

106


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 248/08

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitata għal Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd u ta’ bidu ta’ rieżami tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

107

2022/C 248/09

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-sussidju applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

119

2022/C 248/10

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

130

2022/C 248/11

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

142

2022/C 248/12

Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P

152

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 248/13

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10778 – TA ASSOCIATES / CLEARLAKE / KOFAX) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

156


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali

(2022/C 248/01)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 3

1.1.

L-iskop u l-istruttura ta’ dawn il-Linji Gwida 3

1.2.

L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat għall-akkordji vertikali 4

2.

L-effetti ta’ akkordji vertikali 6

2.1.

Effetti pożittivi 6

2.2.

Effetti negattivi 9

3.

Akkordji vertikali li ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat 10

3.1.

L-ebda effett fuq il-kummerċ, fuq akkordji ta’ importanza minuri u fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju 10

3.2.

Akkordji ta’ aġenzija 11

3.2.1.

Akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat 11

3.2.2.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat għal akkordji ta’ aġenzija 15

3.2.3.

L-Aġenzija u l-ekonomija tal-pjattaformi online 16

3.3.

Akkordji ta’ sottokuntratti 17

4.

Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 17

4.1.

Sfera ta’ sikurezza stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/720 17

4.2.

Definizzjoni ta’ akkordji vertikali 18

4.2.1.

Imġiba unilaterali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 18

4.2.2.

L-impriżi joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni 19

4.2.3.

L-akkordju huwa relatati max-xiri, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi 19

4.3.

Akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online 20

4.4.

Limiti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 21

4.4.1.

Assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut 21

4.4.2.

Akkordji vertikali li fihom dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI) 22

4.4.3.

Akkordji vertikali bejn il-kompetituri 25

4.4.4.

Akkordji vertikali mal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li għandhom funzjoni ibrida 28

4.5.

Ir-relazzjoni ma’ regolamenti oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija 30

4.6.

Tipi speċifiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni 30

4.6.1.

Sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva 31

4.6.2.

Sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva 35

4.6.3.

Franchising 40

5.

Definizzjoni tas-suq u kalkolu tas-sehem mis-suq 42

5.1.

Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq 42

5.2.

Il-kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) 2022/720 42

5.3.

Kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) 2022/720 43

6.

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 43

6.1.

Ir-restrizzjonijiet fundamentali skont ir-Regolament (UE) 2022/720 43

6.1.1.

Żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid 45

6.1.2.

Restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4, il-punti (b), (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2022/720 49

6.1.3.

Restrizzjonijiet tal-bejgħ ta’ spare parts 57

6.2.

Restrizzjonijiet li huma esklużi mir-Regolament (UE) 2022/720 57

6.2.1.

Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni ta’ tul ta’ żmien itwal minn ħames snin 58

6.2.2.

Obbligu li ma ssirx kompetizzjoni wara l-iskadenza tal-akkordju 58

6.2.3.

Obbligu li ma ssirx kompetizzjoni imposti fuq membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva 59

6.2.4.

Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra 59

7.

L-Irtirar u s-Sospensjoni tal-Applikazzjoni 59

7.1.

L-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 59

7.2.

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 62

8.

Politika ta’ infurzar f’każijiet individwali 63

8.1.

Il-qafas tal-analiżi 63

8.1.1.

Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat 64

8.1.2.

Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat 66

8.2.

Analiżi ta’ restrizzjonijiet vertikali speċifiċi 67

8.2.1.

Marka unika 68

8.2.2.

Provvista esklużiva 72

8.2.3.

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online 74

8.2.4.

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet 75

8.2.5.

Obbligi ta’ parità 77

8.2.6.

Ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess 82

8.2.7.

Akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija 83

8.2.8.

Irbit 83

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   L-iskop u l-istruttura ta’ dawn il-Linji Gwida

(1)

Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu prinċipji għall-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali u ta’ prattiki miftiehma skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 (2). Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, f’dawn il-Linji Gwida t-terminu “akkordju” jkopri wkoll prattiki miftiehma (3).

(2)

Billi toħroġ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni għandha l-għan li tgħin lill-impriżi jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess tal-akkordji vertikali skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li tiffaċilita l-infurzar tal-Artikolu 101 tat-Trattat. Madankollu, dawn il-Linji Gwida ma għandhomx jiġu applikati b’mod mekkaniku, peress li kull akkordju jrid jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti tiegħu stess (4). Dawn il-Linji Gwida huma wkoll mingħajr preġudizzju għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea”).

(3)

Jistgħu jiġu konklużi akkordji vertikali għal prodotti u għal servizzi intermedji jew finali. Sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, dawn il-Linji Gwida japplikaw għat-tipi kollha ta’ prodotti u ta’ servizzi u għal-livelli kollha tan-negozju. Barra minn hekk, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, it-terminu “utent finali” jinkludi l-impriżi u l-konsumaturi finali, jiġifieri perusni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet li jaqgħu barra min-negozjar, l-operat, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.

(4)

Dawn il-Linji Gwida huma strutturati kif ġej:

din l-ewwel taqsima introduttorja tispjega għalfejn il-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar l-akkordji vertikali u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-gwida. Tispjega wkoll l-objettivi tal-Artikolu 101 tat-Trattat, kif l-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għall-akkordji vertikali, u l-passi ewlenin fil-valutazzjoni tal-akkordji vertikali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat;

it-tieni taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-effetti pożittivi u negattivi tal-akkordji vertikali. Ir-Regolament (UE) 2022/720, dawn il-Linji Gwida, u l-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni f’każijiet individwali huma bbażati fuq il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-effetti;

it-tielet taqsima tittratta akkordji vertikali li ġeneralment jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Filwaqt li r-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax għal dawn l-akkordji, huwa neċessarju li tiġi pprovduta gwida dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-akkordji vertikali jaqgħu barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat;

ir-raba’ taqsima tipprovdi gwida ulterjuri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 , inklużi spjegazzjonijiet dwar l-isfera ta’ sikurezza stabbilita mir-Regolament u d-definizzjoni ta’ akkordju vertikali. Dik it-taqsima fiha wkoll gwida dwar l-akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online, li għandha rwol dejjem aktar importanti fid-distribuzzjoni tal-prodotti u tas-servizzi. Dik it-taqsima tispjega wkoll il-limiti tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2), (3) u (4) tar-Regolament. Dan jinkludi l-limiti speċifiċi li japplikaw għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn fornitur u xerrej f’xenarji ta’ distribuzzjoni doppja, skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament, u dawk li japplikaw għal akkordji relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online fejn il-fornitur ta’ dawk is-servizzi jkollu funzjoni ibrida, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament. Ir-raba’ taqsima tispjega wkoll kif ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika f’każijiet li fihom akkordju vertikali jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, kif stabbilit fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament. Fl-aħħar nett, dik it-taqsima fiha deskrizzjoni ta’ ċerti tipi komuni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, b’mod partikolari dawk li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar restrizzjonijiet fundamentali;

il-ħames taqsima tindirizza d-definizzjoni tas-swieq rilevanti u l-kalkolu tal-ishma mis-suq, b’referenza għall-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq (5). Dan huwa rilevanti minħabba li l-akkordji vertikali jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament (UE) 2022/720 jekk l-ishma mis-suq tal-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/720;

is-sitt taqsima tkopri r-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 u r-restrizzjonijiet esklużi stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament, inklużi spjegazzjonijiet dwar għaliex il-kwalifika bħala restrizzjoni “fundamentali” jew “eskluża” hija rilevanti;

is-seba’ taqsima fiha gwida dwar is-setgħat tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (“NCAs”) sabiex jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 f’każijiet individwali, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (6) u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/720, kif ukoll gwida dwar is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta regolamenti li jiddikjaraw li r-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720;

it-tmien taqsima tiddeskrivi l-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni f’każijiet individwali. Għal dak l-għan, tispjega kif l-akkordji vertikali li ma humiex koperti mir-Regolament (UE) 2022/720 huma vvalutati skont l-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat, u jipprovdi gwida dwar diversi tipi komuni ta’ restrizzjonijiet vertikali.

1.2.   L-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat għall-akkordji vertikali

(5)

L-objettiv tal-Artikolu 101 huwa li jiżgura li l-impriżi ma jużawx akkordji, orizzontali jew vertikali (7), sabiex jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għad-detriment tal-konsumaturi (8). L-Artikolu 101 tat-Trattat isegwi wkoll l-objettiv usa’ li jinkiseb suq intern integrat, li jsaħħaħ il-kompetizzjoni fl-Unjoni. L-impriżi ma jistgħux jużaw akkordji vertikali sabiex jistabbilixxu mill-ġdid ostakoli privati bejn l-Istati Membri fejn l-ostakoli tal-Istat ġew aboliti b’suċċess.

(6)

L-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għall-akkordji u għar-restrizzjonijiet vertikali f’akkordji vertikali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni (9). Jipprovdi qafas legali għall-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet vertikali (10), li jqis id-distinzjoni bejn l-effetti antikompetittivi u prokompetittivi. L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jipprojbixxi akkordji li jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinifikanti. Madankollu, il-projbizzjoni ma tapplikax għal akkordji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, b’mod partikolari meta l-akkordju jipprovdi benefiċċji suffiċjenti sabiex jingħelbu l-effetti antikompetittivi tiegħu, kif indikat fil-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3) (11).

(7)

Filwaqt li ma hemm l-ebda sekwenza obbligatorja għall-valutazzjoni tal-akkordji vertikali, il-valutazzoni ġeneralment tinvolvi l-passi li ġejjin:

l-ewwel nett, jeħtieġ li l-impriżi involuti jistabbilixxu l-ishma mis-suq tal-fornitur u tax-xerrej fis-suq rilevanti fejn huma jbigħu u jixtru, rispettivament, il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt;

jekk la s-sehem mis-suq tal-fornitur u lanqas dak tax-xerrej ma jaqbeż il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 % stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/720, l-akkordju vertikali jkun kopert mill-isfera ta’ sikurezza stabbilita mir-Regolament, dment li l-akkordju ma jkunx fih restrizzjonijiet fundamentali skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament jew kwalunkwe restrizzjoni eskluża fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament li ma tistax tiġi sseparata mill-bqija tal-akkordju;

jekk is-sehem mis-suq rilevanti tal-fornitur jew tax-xerrej jaqbeż il-limitu ta’ 30 % jew l-akkordju jkun fih restrizzjoni fundamentali waħda jew aktar jew restrizzjonijiet esklużi mhux separabbli, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk l-akkordju vertikali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat;

jekk l-akkordju vertikali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni previsti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(8)

L-iżvilupp sostenibbli huwa prinċipju ewlieni tat-Trattat u objettiv ta’ prijorità għall-politiki tal-Unjoni (12), flimkien mad-diġitalizzazzjoni u ma’ Suq Uniku reżiljenti (13). Il-kunċett ta’ sostenibbiltà jinkludi l-indirizzar tat-tibdil fil-klima (pereżempju, permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra), il-limitazzjoni tal-użu tar-riżorsi naturali, it-tnaqqis tal-iskart u l-promozzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali (14), iżda ma huwiex limitat għal dawn biss. L-objettivi tas-sostenibbiltà, tar-reżiljenza u diġitali tal-Unjoni huma promossi permezz ta’ akkordji effiċjenti dwar il-provvista u d-distribuzzjoni bejn l-impriżi. L-akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà jew li jikkontribwixxu għal Suq Uniku diġitali u reżiljenti ma humiex kategorija distinta ta’ akkordji vertikali skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, dawn l-akkordji jridu jiġu vvalutati bl-użu tal-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida, filwaqt li jitqies l-objettiv speċifiku li jsegwu. Għaldaqstant, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 tapplika għal akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà, ta’ reżiljenza u diġitali, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament. Dawn il-Linji Gwida jinkludu eżempji li juru l-valutazzjoni tal-akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà (15).

(9)

Meta akkordju vertikali jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u r-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax, l-akkordju xorta waħda jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3) (16). Dan japplika wkoll għal akkordji vertikali li jsegwu objettivi ta’ sostenibbiltà jew li jikkontribwixxu għal Suq Uniku diġitali u reżiljenti. Filwaqt li t-taqsima 8 tinkludi gwida dwar il-valutazzjoni ta’ tali akkordji vertikali f’każijiet individwali, linji gwida oħrajn tal-Kummissjoni jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Dan jinkludi l-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3), il-Linji Gwida Orizzontali (17) u kwalunkwe gwida li tista’ tiġi pprovduta f’verżjonijiet futuri ta’ dawk il-Linji Gwida. Dawk il-Linji Gwida jistgħu, b’mod partikolari, jipprovdu gwida dwar iċ-ċirkostanzi li fihom il-benefiċċji tas-sostenibbiltà, diġitali jew tar-reżiljenza jistgħu jitqiesu bħala effiċjenzi kwalitattivi jew kwantitattivi skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

2.   L-EFFETTI TA’ AKKORDJI VERTIKALI

(10)

Għall-fini tal-valutazzjoni tal-akkordji vertikali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat u tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, huwa neċessarju li jitqiesu l-parametri rilevanti kollha tal-kompetizzjoni, bħall-prezzijiet, l-output f’termini ta’ kwantitajiet tal-prodott, il-kwalità u l-varjetà tal-prodott, u l-innovazzjoni. Il-valutazzjoni trid tqis ukoll li l-akkordji vertikali bejn l-impriżi li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni huma ġeneralment anqas ta’ ħsara minn akkordji orizzontali bejn impriżi kompetituri li jfornu prodotti jew servizzi sostitwibbli (18). Fil-prinċipju, dan huwa dovut għan-natura komplementari tal-attivitajiet imwettqin mill-partijiet għal akkordju vertikali, li normalment jimplika li l-azzjonijiet prokompetittivi minn waħda mill-partijiet għall-akkordju jkunu ta’ benefiċċju għall-parti l-oħra għall-akkordju u, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Għalhekk, b’kuntrast mal-akkordji orizzontali, il-partijiet għal akkordju vertikali għandhom it-tendenza li jkollhom inċentiv sabiex jaqblu fuq prezzijiet aktar baxxi u livelli ogħla ta’ servizz, li huma wkoll huma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. B’mod simili, parti għal akkordju vertikali normalment ikollha inċentiv sabiex topponi azzjonijiet mill-parti l-oħra li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi, peress li tali azzjonijiet tipikament inaqqsu wkoll id-domanda għall-prodotti jew għas-servizzi pprovduti mill-ewwel parti. Barra minn hekk, in-natura komplementari tal-attivitajiet tal-partijiet għal akkordju vertikali fit-tqegħid ta’ prodotti jew ta’ servizzi fis-suq timplika wkoll li r-restrizzjonijiet vertikali jipprovdu ambitu akbar għal effiċjenzi, pereżempju, billi jottimizzaw il-proċessi u s-servizzi tal-manifattura u tad-distribuzzjoni. Eżempji ta’ effetti pożittivi bħal dawn huma stabbiliti fit-taqsima 2.1.

(11)

Minkejja dan, f’ċerti każijiet l-impriżi b’saħħa fis-suq jistgħu jużaw restrizzjonijiet vertikali sabiex isegwu skopijiet antikompetittivi li, fl-aħħar mill-aħħar, jagħmlu ħsara lill-konsumaturi. Kif spjegat aktar fit-taqsima 2.2., ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu b’mod partikolari jwasslu għall-esklużjoni, għat-tnaqqis tal-kompetizzjoni jew għall-kollużjoni. Is-saħħa fis-suq hija l-kapaċità li l-prezzijiet jinżammu ogħla mil-livelli kompetittivi jew li l-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodott, tal-kwalità u tal-varjetà jew l-innovazzjoni tal-prodott tinżamm taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien mhux insinifikanti (19). Il-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ sabiex tiġi stabbilita restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat huwa anqas mill-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ sabiex tinstab dominanza skont l-Artikolu 102 tat-Trattat.

2.1.   Effetti pożittivi

(12)

L-akkordji vertikali jista’ jipproduċu effetti pożittivi, inklużi prezzijiet aktar baxxi, il-promozzjoni ta’ kompetizzjoni mhux ibbażata fuq il-prezzijiet u l-kwalità mtejba tas-servizzi. Arranġamenti kuntrattwali sempliċi bejn fornitur u xerrej li jiddeterminaw biss il-prezz u l-kwantità ta’ tranżazzjoni, spiss jistgħu jwasslu għal livelli subottimali ta’ investimenti u ta’ bejgħ, minħabba li ma jqisux l-esternalitajiet li jinħolqu min-natura komplementari tal-attivitajiet tal-fornitur u tad-distributuri tiegħu. Dawn l-esternalitajiet jaqgħu f’żewġ kategoriji: esternalitajiet vertikali u esternalitajiet orizzontali.

(13)

L-esternalitajiet vertikali jinħolqu minħabba li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħudin f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni jiddeterminaw aspetti tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi, bħall-prezz, il-kwalità, is-servizzi relatati u l-kummerċjalizzazzjoni, li jaffettwaw mhux biss lill-impriża li tieħu d-deċiżjonijiet, iżda wkoll lil impriżi oħrajn f’livelli oħrajn tal-katina tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni. Pereżempju, distributur jista’ ma jiksibx il-benefiċċji kollha tal-isforzi tiegħu sabiex iżid il-bejgħ, minħabba li wħud minn dawk il-benefiċċji jistgħu jmorru għand il-fornitur. Dan għaliex, għal kull unità żejda li distributur ibigħ billi jbaxxi l-prezz tiegħu għall-bejgħ mill-ġdid jew billi jżid l-isforzi tal-bejgħ tiegħu, il-fornitur jibbenefika jekk il-prezz bl-ingrossa tiegħu jaqbeż l-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni tiegħu. Dan jirrappreżenta esternalità pożittiva miġjuba lill-fornitur mill-azzjonijiet tad-distributur li jsaħħu l-bejgħ. Bil-maqlub, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom, mill-perspettiva tal-fornitur, id-distributur jista’ jkun qed iżomm prezzijiet għoljin wisq (20), ma jagħmilx biżżejjed sforzi ta’ bejgħ, jew it-tnejn li huma.

(14)

Jistgħu jinħolqu esternalitajiet orizzontali, b’mod partikolari bejn id-distributuri tal-istess prodotti jew servizzi meta distributur ma jkunx jista’ jadatta bis-sħiħ il-benefiċċji tal-isforzi tal-bejgħ tiegħu. Pereżempju, meta s-servizzi ta’ qabel il-bejgħ li jsaħħu d-domanda jiġu pprovduti minn distributur wieħed, bħal pariri personalizzati b’rabta ma’ prodotti jew ma’ servizzi partikolari, dawn jistgħu jwasslu għal aktar bejgħ minn distributuri kompetituri li joffru l-istess prodotti jew servizzi u, b’hekk, joħolqu inċentivi fost id-distributuri sabiex jieħdu vantaġġ mis-servizzi li jiswew ħafna flus ipprovduti minn oħrajn. F’ambjent ta’ distribuzzjoni omni-channel, jista’ jseħħ parassitiżmu bejn il-kanali ta’ bejgħ online u offline, u fiż-żewġ direzzjonijiet (21). Pereżempju, il-klijenti jistgħu jżuru ħanut fiżiku sabiex jittestjaw prodotti jew servizzi jew sabiex jiksbu informazzjoni utli oħra li fuqha jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom li jixtru, iżda mbagħad jordnaw il-prodott online mingħand distributur differenti. Min-naħa l-oħra, il-klijenti jistgħu jiġbru informazzjoni fil-fażi ta’ qabel ix-xiri minn ħanut online u mbagħad iżuru ħanut fiżiku, jużaw l-informazzjoni li jkunu ġabru online sabiex jagħżlu u jittestjaw prodotti jew servizzi partikolari, u fl-aħħar mill-aħħar jixtru offline minn ħanut fiżiku. Meta tali parassitiżmu jkun possibbli u meta d-distributur li jipprovdi servizzi ta’ qabel il-bejgħ ma jkunx jista’ jadatta l-benefiċċji kompletament, dan jista’ jwassal għal forniment subottimali ta’ tali servizzi ta’ qabel il-bejgħ f’termini ta’ kwantità jew ta’ kwalità.

(15)

Fil-preżenza ta’ tali esternalitajiet, il-fornituri għandhom inċentiv sabiex jikkontrollaw ċerti aspetti tal-operazzjonijiet tad-distributuri tagħhom u vice versa. B’mod partikolari, l-akkordji vertikali jistgħu jintużaw sabiex jiġu internalizzati t-tali esternalitajiet, jiżdied il-profitt konġunt tal-katina vertikali tal-provvista u tad-distribuzzjoni u, f’ċerti ċirkostanzi, jittejjeb il-benesseri tal-konsumatur.

(16)

Għalkemm dawn il-Linji Gwida jfittxu li jagħtu ħarsa ġenerali lejn id-diversi ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet vertikali, huma ma jiddikjarawx li huma kompluti jew eżawrjenti. Ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet vertikali partikolari jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-esternalità vertikali. L-iffissar ta’ prezz għoli wisq mid-distributur, mingħajr ma jitqies l-effett tad-deċiżjonijiet tiegħu fuq il-fornitur, jista’ jiġi evitat mill-fornitur li jimponi prezz massimu ta’ bejgħ mill-ġdid fuq id-distributur. B’mod simili, sabiex jiżdiedu l-isforzi ta’ bejgħ tad-distributur, il-fornitur jista’ juża distribuzzjoni selettiva jew esklużiva;

(b)

sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ parassitiżmu. Jista’ jseħħ parassitiżmu bejn ix-xerrejja fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jew tal-bejgħ bl-imnut, b’mod partikolari, meta ma jkunx possibbli għall-fornitur li jimponi rekwiżiti effettivi ta’ promozzjoni jew ta’ servizz fuq ix-xerrejja kollha. Il-parassitiżmu bejn ix-xerrejja jista’ jseħħ biss fuq is-servizzi ta’ qabel il-bejgħ u fuq attivitajiet promozzjonali oħrajn, iżda mhux fuq is-servizzi ta’ wara l-bejgħ li għalihom id-distributur jista’ jitlob ħlas mingħand il-klijenti tiegħu individwalment. L-isforzi ta’ qabel il-bejgħ li fuqhom jista’ jseħħ il-parassitiżmu jistgħu jkunu importanti, pereżempju, meta l-prodotti jew is-servizzi jkunu relattivament ġodda, teknikament kumplessi jew ta’ valur għoli, jew meta r-reputazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tkun fattur determinanti importanti tad-domanda tagħhom (22). Ir-restrizzjonijiet f’sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva jew selettiva, jew restrizzjonijiet oħrajn jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex jiġi evitat jew jitnaqqas tali parassitiżmu. Il-parassitiżmu jista’ jseħħ ukoll bejn il-fornituri, pereżempju meta manifattur wieħed jinvesti fi promozzjoni fil-bini tax-xerrej li tattira wkoll lill-klijenti għall-kompetituri ta’ dak il-manifattur. Ir-restrizzjonijiet li jeskludu l-kompetizzjoni jistgħu jgħinu sabiex jingħeleb il-parassitiżmu bejn il-fornituri (23);

(c)

għall-ftuħ jew għad-dħul fi swieq ġodda. Meta fornitur ikun jixtieq jidħol f’suq ġeografiku ġdid, pereżempju, billi jesporta lejn pajjiż ieħor, dan jista’ jinvolvi investimenti mitlufin speċjali mid-distributur sabiex jistabbilixxi l-marka fis-suq. Sabiex distributur lokali jiġi pperswadut jagħmel dawn l-investimenti, jista’ jkun neċessarju li tiġi pprovduta protezzjoni territorjali sabiex id-distributur ikun jista’ jirkupra l-investimenti tiegħu. Dan jista’ jiġġustifika r-restrizzjoni ta’ distributuri li jinsabu fi swieq ġeografiċi oħrajn milli jbigħu fis-suq il-ġdid (ara wkoll il-paragrafi (118), (136) u (137)). Dan huwa każ speċjali tal-problema ta’ parassitiżmu stabbilita fil-punt (b);

(d)

sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ parassitiżmu. F’xi setturi, ċerti distributuri għandhom reputazzjoni li jaħżnu biss prodotti ta’ kwalità jew li jipprovdu servizzi ta’ kwalità (l-hekk imsejħa “distributuri primjum”). F’każ bħal dan, il-bejgħ permezz ta’ dawk id-distributuri jista’ jkun kruċjali, b’mod partikolari għat-tnedija b’suċċess ta’ prodott ġdid. Jekk il-fornitur ma jkunx jista’ jiżgura li d-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu tkun limitata għal tali distributuri primjum, ikun qiegħed jirriskja li ma jkunx elenkat minn tali distributuri. F’dak ix-xenarju, l-użu ta’ distribuzzjoni esklużiva jew selettiva jista’ jkun ġustifikat;

(e)

sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti. Jew il-fornitur jew ix-xerrej jista’ jkollu bżonn jagħmel investimenti speċifiċi għar-relazzjoni (pereżempju f’tagħmir jew f’taħriġ speċifiku) li huma investimenti mitlufin u li ftit li xejn għandhom valur jew ma jkollhomx valur barra mir-relazzjoni vertikali speċifika. Pereżempju, manifattur tal-komponenti jista’ jkollu jibni magni speċifiċi sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ wieħed mill-klijenti tiegħu, iżda l-magni jistgħu ma jkunux adattati għall-użu ma’ klijenti oħrajn u jista’ jkun impossibbli li jerġgħu jbigħuhom. Fin-nuqqas ta’ akkordju, il-parti li tinvesti ssib ruħha f’pożizzjoni dgħajfa ta’ negozjar ladarba tkun għamlet l-investiment speċifiku għar-relazzjoni, peress li tirriskja li “tinżamm imwaħħla” matul in-negozjati mas-sieħeb kummerċjali tagħha. It-theddida ta’ tali rinunzja għal ċerti investimenti opportunistika tista’ twassal għal investimenti subottimali mill-parti li tinvesti. L-akkordji vertikali jistgħu jeliminaw l-ambitu għal rinunzja għal ċerti investimenti (b’mod partikolari meta l-investiment jista’ jiġi kkuntrattat bis-sħiħ u jistgħu jiġu previsti l-kontinġenzi futuri kollha) jew jistgħu jnaqqsu l-ambitu għal rinunzja għal ċerti investimenti. Pereżempju, l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, l-obbligar tal-kwantità, jew ix-xiri esklużiv jistgħu jnaqqsu l-problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti meta l-investiment speċifiku għar-relazzjoni jsir mill-fornitur, filwaqt li d-distribuzzjoni esklużiva, l-allokazzjoni esklużiva tal-klijenti jew il-provvista esklużiva jistgħu jnaqqsu l-problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti meta l-investiment isir mix-xerrej;

(f)

sabiex tiġi indirizzata l-problema speċifika ta’ rinunzja għal ċerti investimenti li tista’ tinħoloq meta jkun hemm trasferiment ta’ għarfien espert sostanzjali. Il-fornitur tal-għarfien espert jista’ ma jkunx jixtieq li l-għarfien espert jintuża minn jew għall-benefiċċju tal-kompetituri tiegħu, pereżempju fil-frankiġja. Sa fejn l-għarfien espert ma kienx faċilment disponibbli għax-xerrej, u sa fejn ikun sostanzjali u indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-akkordju, tali trasferiment jista’ jiġġustifika restrizzjoni li ma ssirx kompetizzjoni, li ġeneralment taqa’ barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat f’każijiet bħal dawn;

(g)

sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni. Sabiex l-ekonomiji ta’ skala jiġu sfruttati u b’hekk ikun hemm prezz tal-bejgħ bl-imnut aktar baxx għall-prodotti jew għas-servizzi tiegħu, il-manifattur jista’ jkun irid jikkonċentra l-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu fuq numru limitat ta’ distributuri. Sabiex jagħmel dan, il-manifattur jista’ juża distribuzzjoni esklużiva, obbligi ta’ kwantità fil-forma ta’ rekwiżit ta’ xiri minimu, distribuzzjoni selettiva li tinkludi rekwiżit ta’ distribuzzjoni selettiva jew xiri esklużiv;

(h)

sabiex jiġu żgurati l-uniformità u l-istandardizzazzjoni tal-kwalità. Restrizzjoni vertikali tista’ tgħin biex toħloq jew tippromwovi immaġni tal-marka, billi timponi ċerta miżura ta’ uniformità u ta’ standardizzazzjoni tal-kwalità fuq id-distributuri. Din tista’ tipproteġi r-reputazzjoni tal-marka, tagħmel l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati iktar attraenti għall-utenti finali u żżid il-bejgħ. Tali standardizzazzjoni tista’, pereżempju, tinkiseb permezz ta’ distribuzzjoni selettiva jew permezz ta’ frankiġja;

(i)

sabiex jiġu indirizzati l-imperfezzjonijiet tas-suq kapitali. Il-fornituri tal-kapital, bħal banek u swieq ta’ ekwità, jistgħu jipprovdu l-kapital b’mod subottimali meta jkollhom informazzjoni imperfetta dwar is-solvenza tal-mutwatarju jew fejn ikun hemm bażi inadegwata sabiex jiġi żgurat is-self. Ix-xerrej jew il-fornitur jista’ jkollu informazzjoni aħjar u jista’ jkun kapaċi, permezz ta’ relazzjoni esklużiva, jikseb sigurtà akbar għall-investiment tiegħu. Meta l-fornitur jipprovdi s-self lix-xerrej, dan jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej. Meta x-xerrej jipprovdi s-self lill-fornitur, dan jista’ jkun ir-raġuni għall-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva jew ta’ obbligu ta’ kwantità fuq il-fornitur.

(17)

Hemm grad kbir ta’ sostitwibbiltà bejn id-diversi restrizzjonijiet vertikali, li jfisser li l-istess problema ta’ ineffiċjenza tista’ tiġi indirizzata bl-użu ta’ restrizzjonijiet vertikali differenti. Pereżempju, jista’ jkun possibbli li jinkisbu ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni bl-użu ta’ distribuzzjoni esklużiva, ta’ distribuzzjoni selettiva, ta’ obbligu ta’ kwantità jew ta’ xiri esklużiv. Madankollu, l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jistgħu jkunu differenti bejn ir-restrizzjonijiet vertikali varji. Dan jitqies meta tiġi vvalutata l-indispensabbiltà skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

2.2.   Effetti negattivi

(18)

L-effetti negattivi fuq is-suq li jistgħu jirriżultaw minn restrizzjonijiet vertikali u li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għandu l-għan li jipprevjeni huma, notevolment, dawn li ġejjin:

(a)

esklużjoni antikompetittiva ta’ fornituri oħrajn jew ta’ xerrejja oħrajn, billi jiżdiedu l-ostakoli għad-dħul jew għall-espansjoni;

(b)

it-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-fornitur u l-kompetituri tiegħu u/jew il-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni espliċita jew taċita bejn fornituri kompetituri, li ta’ spiss jissejħu bħala t-tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki;

(c)

it-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn ix-xerrej u l-kompetituri tiegħu jew il-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni espliċita jew taċita bejn ix-xerrejja kompetituri, spiss imsejħin it-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-marki meta tkun tikkonċerna d-distributuri tal-prodotti jew tas-servizzi tal-istess fornitur (24);

(d)

il-ħolqien ta’ ostakoli għall-integrazzjoni tas-suq, inklużi, b’mod partikolari, limitazzjonijiet fuq l-għażla tal-konsumatur li jixtri prodotti jew servizzi fi kwalunkwe Stat Membru.

(19)

L-esklużjoni, it-tnaqqis tal-kompetizzjoni u l-kollużjoni fil-livell tal-fornitur jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi, b’mod partikolari billi:

(a)

iż-żieda fil-prezzijiet imposti fuq ix-xerrejja ta’ prodotti jew ta’ servizzi, li min-naħa tagħha tista’ twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumatur;

(b)

il-limitazzjoni tal-għażla ta’ prodotti jew ta’ servizzi;

(c)

it-tnaqqis tal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi;

(d)

it-tnaqqis tal-innovazzjoni jew tas-servizz fil-livell tal-fornituri.

(20)

L-esklużjoni, it-tnaqqis tal-kompetizzjoni u l-kollużjoni fil-livell tad-distributuri jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi, b’mod partikolari billi:

(a)

iżidu l-prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi għall-konsumatur;

(b)

jillimitaw l-għażla ta’ kombinazzjonijiet bejn il-prezzijiet u s-servizzi u l-formati tad-distribuzzjoni;

(c)

inaqqsu d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi għall-konsumatur;

(d)

inaqqsu l-livell ta’ innovazzjoni fil-livell tad-distribuzzjoni.

(21)

Tnaqqis fil-kompetizzjoni fi ħdan il-marka (jiġifieri l-kompetizzjoni bejn id-distributuri tal-prodotti jew tas-servizzi tal-istess fornitur) minnu nnifsu ma huwiex probabbli li jwassal għal effetti negattivi għall-konsumaturi, jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki (jiġifieri l-kompetizzjoni bejn id-distributuri ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ fornituri differenti) tkun b’saħħitha (25). B’mod partikolari, fi swieq li fihom il-bejjiegħa bl-imnut individwali jiddistribwixxu l-marka/i ta’ fornitur wieħed biss, it-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn id-distributuri tal-istess marka jwassal għal tnaqqis tal-kompetizzjoni fi ħdan il-marka bejn dawn id-distributuri, iżda għandu mnejn ma jkollux effett negattiv fuq il-kompetizzjoni bejn id-distributuri b’mod ġenerali.

(22)

L-effetti negattivi possibbli tar-restrizzjonijiet vertikali jissaħħu meta bosta fornituri u x-xerrejja tagħhom jorganizzaw il-kummerċ tagħhom b’mod simili, li jwassal għall-hekk imsejħin effetti kumulattivi (26).

3.   AKKORDJI VERTIKALI LI ĠENERALMENT JAQGĦU BARRA MILL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 101(1) TAT-TRATTAT

3.1.   L-ebda effett fuq il-kummerċ, fuq akkordji ta’ importanza minuri u fuq impriżi żgħar u ta’ daqs medju

(23)

Qabel ma jiġu indirizzati l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, l-applikazzjoni tiegħu u, b’mod aktar ġenerali, il-valutazzjoni tal-akkordji vertikali skont l-Artikolu 101(1) u 101(3) tat-Trattat, huwa importanti li jitfakkar li r-Regolament (UE) 2022/720 japplika biss għal akkordji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(24)

L-akkordji li ma humiex kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ebda effett fuq il-kummerċ) jew li ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni b’mod sinifikanti (akkordji ta’ importanza minuri) jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (27). Il-Kummissjoni pprovdiet gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ fil-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ (28), u dwar akkordji ta’ importanza minuri fl-Avviż De Minimis (29). Dawn il-Linji Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ u għall-Avviż De Minimis, jew kwalunkwe gwida futura tal-Kummissjoni.

(25)

Il-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ stabbilew il-prinċipji żviluppati mill-Qrati tal-Unjoni sabiex jinterpretaw il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ u jindikaw meta l-akkordji x’aktarx ma jkunux kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Jinkludu suppożizzjoni konfutabbli negattiva li tapplika għall-akkordji kollha fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, irrispettivament min-natura tar-restrizzjonijiet inklużi f’tali akkordji, u b’hekk tapplika wkoll għal akkordji li fihom restrizzjonijiet fundamentali (30). Skont dik is-suppożizzjoni, fil-prinċipju, l-akkordji vertikali ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta:

(a)

is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet fi kwalunkwe suq rilevanti fl-Unjoni affettwat mill-akkordju ma jaqbiżx il-5 %, u

(b)

il-fatturat annwali aggregat tal-fornitur fl-Unjoni ġġenerat bil-prodotti koperti mill-akkordju ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun jew, f’każijiet li jinvolvu akkordji konklużi bejn xerrej u diversi fornituri, ix-xiri kombinat tax-xerrej tal-prodotti koperti mill-akkordji ma jaqbiżx l-EUR 40 miljun (31). Il-Kummissjoni tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni jekk analiżi tal-karatteristiċi tal-akkordju u tal-kuntest ekonomiku tiegħu turi l-kuntrarju.

(26)

Kif stabbilit fl-Avviż De Minimis, l-akkordji vertikali konklużi minn dawk li ma humiex kompetituri ġeneralment jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jekk is-sehem mis-suq miżmum minn kull waħda mill-partijiet għall-akkordju ma jaqbiżx il-15 % fi kwalunkwe wieħed mis-swieq rilevanti affettwati mill-akkordju (32). Din ir-regola ġenerali hija soġġetta għal żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika anki jekk is-sehem mis-suq miżmum minn kull waħda mill-partijiet ma jaqbiżx il-15 % (33). Dan għaliex akkordju li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandu għan antikompetittiv jista’, min-natura tiegħu u indipendentement minn kwalunkwe effett konkret, jikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti fuq il-kompetizzjoni (34). It-tieni, il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 15 % jitnaqqas għal 5 % meta, f’suq rilevanti, il-kompetizzjoni tkun ristretta mill-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji. Il-paragrafi minn (257) sa (261) jittrattaw l-effetti kumulattivi fil-kuntest tal-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720. L-Avviż De Minimis jiċċara li fornituri jew distributuri individwali b’sehem mis-suq li ma jaqbiżx il-5 % ġeneralment ma jitqisux li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv ta’ esklużjoni (35).

(27)

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda suppożizzjoni li l-akkordji vertikali konklużi minn impriżi, li waħda jew aktar minnhom għandhom sehem mis-suq individwali li jaqbeż il-15 %, jaqgħu awtomatikament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Tali akkordji xorta jista’ ma jkollhomx effett sinifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew jista’ jkun li ma jkunux jikkostitwixxu restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni (36). Għalhekk, jeħtieġ li dawn jiġu vvalutati fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom. Dawn il-Linji Gwida jinkludu kriterji għall-valutazzjoni individwali ta’ akkordji bħal dawn, kif stabbilit fit-Taqsima 8.

(28)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-akkordji vertikali bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (minn hawn ’il quddiem “SMEs”) (37) rarament ikunu kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis ukoll li tali akkordji rarament jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jinkludux restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan u skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Għalhekk, akkordji vertikali bejn SMEs ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Madankollu, f’każijiet li fihom tali akkordji jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni ġeneralment toqgħod lura milli tiftaħ proċedimenti, minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti għall-Unjoni, sakemm l-impriżi, individwalment jew kollettivament, ma jkollhomx pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali mis-suq intern.

3.2.   Akkordji ta’ aġenzija

3.2.1.   Akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat

(29)

Aġent huwa persuna ġuridika jew fiżika fdata bis-setgħa li tinnegozja u/jew tikkonkludi l-kuntratti f’isem persuna oħra (“il-prinċipal”), jew f’isem l-aġent stess jew inkella f’isem il-prinċipal, għax-xiri ta’ prodotti jew ta’ servizzi mill-prinċipal, jew għall-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi forniti mill-prinċipal.

(30)

L-Artikolu 101 tat-Trattat japplika għal akkordji bejn żewġ impriżi jew aktar. F’ċerti ċirkostanzi, ir-relazzjoni bejn aġent u l-prinċipal tiegħu tista’ tiġi kkaratterizzata bħala waħda li fiha l-aġent ma jibqax jaġixxi bħala operatur ekonomiku indipendenti. Dan japplika meta l-aġent ma jġarrab l-ebda riskju finanzjarju jew kummerċjali sinifikanti fir-rigward tal-kuntratti konklużi jew negozjati f’isem il-prinċipal, kif spjegat aktar fil-paragrafi (31) sa (34) (38). F’dak il-każ, l-akkordju ta’ aġenzija jaqa’ kompletament jew parzjalment barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (39). Billi din tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikabbiltà ġenerali tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal akkordji bejn impriżi, il-kundizzjonijiet għall-kategorizzazzjoni ta’ akkordju bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett. Pereżempju, huwa anqas probabbli li akkordju ta’ aġenzija jiġi kkategorizzat bħala li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta l-aġent jinnegozja u/jew jikkonkludi kuntratti f’isem numru kbir ta’ prinċipali (40). Il-kwalifika mogħtija għall-akkordju tagħhom mill-partijiet jew mil-liġi nazzjonali ma hijiex materjali għal din il-kategorizzazzjoni.

(31)

Hemm tliet tipi ta’ riskji finanzjarji jew kummerċjali li huma materjali għall-kategorizzazzjoni ta’ akkordju bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat:

(a)

ir-riskji speċifiċi għall-kuntratti, li huma direttament relatati mal-kuntratti konklużi u/jew innegozjati mill-aġent f’isem il-prinċipal, bħalma hu l-finanzjament ta’ stokks;

(b)

ir-riskji relatati ma’ investimenti speċifiċi għas-suq. Dawk huma investimenti speċifikament meħtieġa għat-tip ta’ attività li għaliha l-aġent jinħatar mill-prinċipal, jiġifieri li huma meħtieġa sabiex jippermettu lill-aġent jikkonkludi u/jew jinnegozja tip speċifiku ta’ kuntratt. Tali investimenti ġeneralment ikunu mitlufin, li jfisser li hekk kif investiment iħalli dak il-qasam partikolari ta’ attività, ma jkunx jista’ jintuża għal attivitajiet oħrajn jew jinbiegħ għajr b’telf sinifikanti;

(c)

ir-riskji marbuta ma’ attivitajiet oħrajn imwettqin fl-istess suq tal-prodotti, sal-punt li l-prinċipal jirrikjedi, bħala parti mir-relazzjoni tal-aġenzija, li l-aġent iwettaq tali attivitajiet mhux bħala aġent f’isem il-prinċipal, iżda għar-riskju tal-aġent stess.

(32)

Akkordju jiġi kkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta l-aġent ma jkollu l-ebda tip ta’ riskju elenkat fil-paragrafu (31) jew meta jġarrab tali riskji b’mod insinifikanti biss. Is-sinifikat ta’ kwalunkwe riskju bħal dan imġarrab mill-aġent ġeneralment għandu jiġi vvalutat b’referenza għar-remunerazzjoni miksuba mill-aġent għall-forniment tas-servizzi tal-aġenzija, pereżempju l-kummissjoni tiegħu, minflok b’referenza għad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mill-akkordju ta’ aġenzija. Madankollu, ir-riskji li huma relatati mal-attività tal-forniment ta’ servizzi ta’ aġenzija b’mod ġenerali, bħar-riskju li l-introjtu tal-aġent ikun jiddependi mis-suċċess tiegħu bħala aġent jew mill-investimenti ġenerali, pereżempju, f’bini jew f’persunal li jista’ jintuża għal kwalunkwe tip ta’ attività, ma humiex materjali għal din il-valutazzjoni.

(33)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, akkordju ġeneralment jiġi kkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-aġent ma jixtrix il-proprjetà tal-prodotti mixtrijin jew mibjugħin skont l-akkordju ta’ aġenzija u ma jipprovdix huwa stess is-servizzi mixtrijin jew mibjugħin skont l-akkordju ta’ aġenzija. Il-fatt li l-aġent jista’ temporanjament, għal perjodu qasir ħafna ta’ żmien, jakkwista l-proprjetà fil-prodotti tal-kuntratt filwaqt li jbigħhom f’isem il-prinċipal ma jipprekludix l-eżistenza ta’ akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, dment li l-aġent ma jġarrab l-ebda spiża jew riskju relatat mat-trasferiment tal-proprjetà;

(b)

ma jikkontribwixxix għall-ispejjeż relatati mal-forniment/max-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, inklużi l-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti. Dan ma jipprekludix lill-aġent milli jwettaq is-servizz tat-trasport, dment li l-ispejjeż ikunu koperti mill-prinċipal;

(c)

l-aġent ma jżommx bl-ispejjeż kontrih jew jirriskja stokks tal-prodotti tal-kuntratt, inkluża l-ispiża tal-finanzjament tal-istokk u l-ispiża tal-istokk mitluf. L-aġent għandu jkun jista’ jirritorna prodotti mhux mibjugħin lill-prinċipal mingħajr ħlas, sakemm ma jkunx it-tort tiegħu, pereżempju, minħabba li jonqos milli jikkonforma ma’ miżuri raġonevoli ta’ sigurtà jew kontra s-serq sabiex jiġi evitat telf ta’ stokk;

(d)

l-aġent ma jiħux responsabbiltà għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt min-naħa tal-klijenti, bl-eċċezzjoni tat-telf tal-kummissjoni tal-aġent, sakemm ma jkunx it-tort tiegħu (pereżempju, billi jonqos milli jikkonforma ma’ miżuri raġonevoli ta’ sigurtà jew ta’ kontra s-serq jew jonqos milli jikkonforma ma’ miżuri raġonevoli sabiex jirrapporta serq lill-prinċipal jew lill-puliżija jew milli jikkomunika lill-prinċipal l-informazzjoni neċessarja kollha li tkun disponibbli għalih dwar l-affidabilità finanzjarja tal-klijent);

(e)

l-aġent ma jassumix ir-responsabbiltà lejn klijenti jew partijiet terzi oħrajn għal telf jew għal dannu li jirriżulta mill-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, sakemm ma jkunx tort tal-aġent;

(f)

l-aġent ma huwiex obbligat, direttament jew indirettament, li jinvesti fil-promozzjoni tal-bejgħ, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-prinċipal għar-reklamar jew għal attivitajiet ta’ reklamar jew ta’ promozzjoni speċifikament relatati mal-prodotti jew mas-servizzi tal-kuntratt, sakemm it-tali spejjeż ma jiġux irrimborżati kompletament mill-prinċipal;

(g)

l-aġent ma jagħmilx investimenti speċifiċi għas-suq f’tagħmir, f’bini, f’taħriġ tal-persunal jew f’reklamar, bħat-tank għall-ħżin tal-petrol fil-każ ta’ bejgħ bl-imnut tal-petrol, software speċifiku għall-bejgħ ta’ poloz tal-assigurazzjoni fil-każ ta’ aġenti tal-assigurazzjoni, jew reklamar relatat ma’ rotot jew ma’ destinazzjonijiet fil-każ ta’ aġenti tal-ivvjaġġar li jbigħu titjiriet jew akkomodazzjoni f’lukandi, sakemm it-tali spejjeż ma jiġux irrimborżati kompletament mill-prinċipal;

(h)

l-aġent ma jwettaqx attivitajiet oħrajn fl-istess suq tal-prodotti meħtieġa mill-prinċipal skont ir-relazzjoni ta’ aġenzija (eż. il-konsenja tal-prodotti), sakemm dawk l-attivitajiet ma jiġux irrimborżati kompletament mill-prinċipal.

(34)

Filwaqt li l-lista stabbilita fil-paragrafu (33) ma hijiex eżawrjenti, meta l-aġent iġarrab riskju jew spiża waħda jew aktar minn fost dawk imsemmijin fil-paragrafi (31) sa (33), l-akkordju bejn l-aġent u l-prinċipal ma jiġix ikkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (41). Il-kwistjoni tar-riskju trid tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ u fir-rigward tar-realtà ekonomika tas-sitwazzjoni, aktar milli tal-forma ġuridika tal-akkordju. Għal raġunijiet prattiċi, l-analiżi tar-riskju tista’ tibda bil-valutazzjoni tar-riskji speċifiċi għall-kuntratt. Jekk l-aġent iġarrab riskji speċifiċi għall-kuntratt li ma humiex insinifikanti, dan ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-aġent huwa distributur indipendenti. Jekk l-aġent ma jġarrabx riskji speċifiċi għall-kuntratt, mela mbagħad ikun meħtieġ li titkompla l-analiżi billi jiġu vvalutati r-riskji relatati mal-investimenti speċifiċi għas-suq. Fl-aħħar nett, jekk l-aġent ma jġarrab l-ebda riskju speċifiku għall-kuntratt jew l-ebda riskju marbut ma’ investimenti speċifiċi għas-suq, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati r-riskji marbuta ma’ attivitajiet oħrajn meħtieġa bħala parti mir-relazzjoni tal-aġenzija fl-istess suq tal-prodott.

(35)

Prinċipal jista’ juża diversi metodi sabiex ikopri r-riskji u l-ispejjeż rilevanti, sakemm it-tali metodi ma jiżgurawx li l-aġent ma jġarrab l-ebda riskju sinifikanti tat-tipi stabbiliti fil-paragrafi (31) sa (33). Pereżempju, prinċipal jista’ jagħżel li jirrimborża l-ispejjeż preċiżi mġarrbin, jew jista’ jkopri l-ispejjeż permezz ta’ somma f’daqqa fissa, jew jista’ jħallas lill-aġent perċentwal fiss tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi skont l-akkordju ta’ aġenzija. Sabiex jiġi żgurat li r-riskji u l-ispejjeż rilevanti kollha jkunu koperti, il-metodu użat mill-kapital għandu jippermetti lill-aġent jiddistingwi faċilment bejn l-ammont(i) maħsub(in) sabiex ikopri/u r-riskji u l-ispejjeż rilevanti u kwalunkwe ammont ieħor imħallas lill-aġent, pereżempju, maħsub sabiex jirremunera lill-aġent talli jipprovdi s-servizzi ta’ aġenzija. Inkella, l-aġent jaf ma jkunx jista’ jivverifika jekk il-metodu magħżul mill-prinċipal ikoprix l-ispejjeż tiegħu. Jista’ jkun neċessarju wkoll li jiġi pprovdut metodu sempliċi għall-aġent sabiex jiddikjara u jitlob ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li taqbeż is-somma f’daqqa miftiehma jew il-perċentwal fiss. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-prinċipal jimmonitorja b’mod sistematiku kwalunkwe bidla fl-ispejjeż rilevanti u li jadatta s-somma f’daqqa jew il-perċentwal fiss kif xieraq. Meta l-ispejjeż rilevanti jiġu rrimborżati permezz ta’ perċentwal tal-prezz tal-prodotti mibjugħin skont l-akkordju ta’ aġenzija, il-prinċipal għandu jqis ukoll il-fatt li l-aġent jista’ jġarrab l-ispejjeż rilevanti ta’ investiment speċifiku għas-suq, anki meta jagħmel bejgħ limitat, jew inkella ma jagħmel l-ebda bejgħ, għal ċertu perjodu ta’ żmien. Tali spejjeż għandhom jiġu rrimborżati mill-prinċipal.

(36)

Distributur indipendenti ta’ xi prodotti jew servizzi ta’ fornitur jista’ jaġixxi wkoll bħala aġent għal prodotti jew għal servizzi oħrajn ta’ dak l-istess fornitur, dment li l-attivitajiet u r-riskji koperti mill-akkordju ta’ aġenzija jkunu jistgħu jiġu ddelineati b’mod effettiv, pereżempju minħabba li jikkonċernaw prodotti jew servizzi b’funzjonalitajiet addizzjonali jew b’karatteristiċi ġodda. Sabiex l-akkordju jiġi kkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, id-distributur indipendenti jeħtieġlu jkun ġenwinament liberu li jidħol fl-akkordju ta’ aġenzija (pereżempju, ir-relazzjoni ta’ aġenzija ma tistax tiġi imposta de facto mill-prinċipal permezz ta’ theddida li jiġu tterminati jew aggravati t-termini tar-relazzjoni ta’ distribuzzjoni). Bl-istess mod, il-prinċipal ma jistax jimponi direttament jew indirettament fuq l-aġent attività bħala distributur indipendenti, sakemm tali attività ma tiġix irrimborżata kompletament mill-prinċipal, kif stabbilit fil-punt (h) tal-paragrafu (33). Barra minn hekk, kif imsemmi fil-paragrafi (31) sa (33), ir-riskji rilevanti kollha marbutin mal-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mill-akkordju ta’ aġenzija, inklużi investimenti speċifiċi għas-suq, iridu jiġġarrbu mill-prinċipal.

(37)

Meta aġent iwettaq attivitajiet oħrajn għall-istess fornitur, mhux meħtieġa minn dak il-fornitur, bir-riskju tiegħu stess, ikun hemm possibbiltà li l-obbligi imposti fuq l-aġent fir-rigward tal-attività ta’ aġenzija tiegħu jinfluwenzaw l-inċentivi tiegħu u jillimitaw l-indipendenza tad-tad-deċiżjonijiet li jieħu meta jbigħ prodotti bħala attività indipendenti. B’mod partikolari, hemm possibbiltà li l-politika tal-ipprezzar tal-prinċipal għall-prodotti mibjugħin skont l-akkordju ta’ aġenzija tinfluwenza l-inċentivi tal-aġent/tad-distributur sabiex il-prodotti li huwa jbigħ bħala distributur indipendenti jiġu pprezzati b’mod indipendenti. Barra minn hekk, il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ aġenzija u indipendenti għall-istess fornitur toħloq diffikultajiet fid-distinzjoni bejn l-investimenti u l-ispejjeż li jirrigwardjaw il-funzjoni tal-aġenzija, inklużi l-investimenti speċifiċi għas-suq, u dawk relatati biss mal-attività indipendenti. Għalhekk, f’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni ta’ jekk relazzjoni ta’ aġenzija tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn (30) sa (33) tista’ tkun partikolarment kumplessa (42).

(38)

It-tħassib deskritt fil-paragrafu (37) huwa aktar probabbli li jitqajjem meta l-aġent iwettaq attivitajiet oħrajn bħala distributur indipendenti għall-istess prinċipal fl-istess suq rilevanti. Bil-maqlub, dak it-tħassib huwa anqas probabbli li jinħoloq jekk l-attivitajiet l-oħrajn imwettqin mill-aġent bħala distributur indipendenti jkunu relatati ma’ suq rilevanti differenti (43). B’mod aktar ġenerali, anqas ma l-prodotti mibjugħin ikunu interkambjabbli skont l-akkordju ta’ aġenzija u anqas ma l-prodotti jinbiegħu b’mod indipendenti mill-aġent, anqas ikun probabbli li jitqajjem dan it-tħassib. Meta kwalunkwe differenza oġġettiva bejn il-karatteristiċi tal-prodotti (pereżempju kwalità ogħla, karatteristiċi ġodda jew funzjonijiet addizzjonali) tkun insinifikanti, jista’ jkun aktar diffiċli li wieħed jiddeskrivi ż-żewġ tipi ta’ attività tal-aġent, li f’liema każ, jista’ jkun hemm riskju sinifikanti li l-aġent jiġi influwenzat mit-termini tal-akkordju ta’ aġenzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, għall-prodotti li huwa jiddistribwixxi b’mod indipendenti.

(39)

Sabiex jidentifika l-investimenti speċifiċi għas-suq li għandhom jiġu rrimborżati meta jidħol f’akkordju ta’ aġenzija ma’ wieħed mid-distributuri indipendenti tiegħu li diġà huwa attiv fis-suq rilevanti, il-prinċipal għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni ipotetika ta’ aġent li għadu ma huwiex attiv fis-suq rilevanti sabiex jivvaluta liema investimenti huma rilevanti għat-tip ta’ attività li għaliha jinħatar l-aġent. Il-prinċipal ikollu jkopri investimenti speċifiċi għas-suq li huma meħtieġa sabiex jopera fis-suq rilevanti, inkluż meta dawk l-investimenti jikkonċernaw ukoll prodotti differenzjati distribwiti barra mill-ambitu tal-akkordju ta’ aġenzija iżda li ma humiex relatati esklużivament mal-bejgħ ta’ tali prodotti differenzjati. L-uniku każ li fih il-prinċipal ma jkollux ikopri investimenti speċifiċi għas-suq fis-suq rilevanti jkun meta dawk l-investimenti jkunu relatati esklużivament mal-bejgħ ta’ prodotti differenzjati li ma jinbigħux skont l-akkordju ta’ aġenzija, iżda jiġu ddistribwiti b’mod indipendenti. Dan għaliex l-aġent iġarrab l-ispejjeż kollha speċifiċi għas-suq sabiex jopera fis-suq, iżda ma jkunx se jġarrab l-ispejjeż speċifiċi għas-suq esklużivament marbuta mal-bejgħ ta’ prodotti differenzjati jekk ma jkunx aġixxa wkoll bħala distributur indipendenti għal dawn il-prodotti (dment li l-aġent ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti mingħajr ma jbigħ il-prodotti differenzjati inkwistjoni). Sal-punt li l-investimenti rilevanti (pereżempju, l-investimenti f’tagħmir speċifiku għall-attività) ikunu diġà ġew iddeprezzati, ir-rimborż jista’ jiġi aġġustat b’mod proporzjonali. Bl-istess mod, ir-rimborż jista’ jiġi aġġustat ukoll jekk l-investimenti speċifiċi għas-suq magħmulin mid-distributur indipendenti jaqbżu b’mod sinifikanti l-investimenti speċifiċi għas-suq li huma neċessarji għal aġent li jibda jopera fis-suq rilevanti, bħala riżultat tal-attività tiegħu bħala distributur indipendenti.

(40)

Eżempju ta’ kif l-ispejjeż jistgħu jiġu allokati fil-każ ta’ distributur li jaġixxi wkoll bħala aġent għal ċerti prodotti għall-istess fornitur.

Il-prodotti A, B u Ċ ġeneralment jinbiegħu mill-istess distributur(i). Il-prodotti A u B jappartjenu għall-istess suq tal-prodotti u ġeografiku, iżda huma differenzjati u jippreżentaw b’mod oġġettiv karatteristiċi differenti. Il-prodott Ċ jappartjeni għal suq ta’ prodott differenti.

Fornitur li ġeneralment jiddistribwixxi l-prodotti tiegħu bl-użu ta’ distributuri indipendenti jixtieq juża akkordju ta’ aġenzija għad-distribuzzjoni tal-prodott A tiegħu, li għandu funzjonalità ġdida. Joffri dan l-akkordju ta’ aġenzija lid-distributuri indipendenti tiegħu (għall-prodott B) li diġà joperaw fl-istess suq tal-prodotti u ġeografiku, mingħajr ma dawn ikunu legalment jew fattwali meħtieġa jidħlu f’dan l-akkordju.

Sabiex l-akkordju ta’ aġenzija ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi (30) sa (33), il-prinċipal jeħtieġlu jkopri l-investimenti kollha relatati mal-attività ta’ bejgħ ta’ kull wieħed mill-prodotti A u B (u mhux biss il-prodott A) peress li ż-żewġ prodotti jappartjenu għall-istess suq tal-prodotti u ġeografiku. Pereżempju, l-ispejjeż imġarrbin għall-adattament jew għall-forniment ta’ ħanut sabiex jintwerew u jinbiegħu l-prodotti A u B x’aktarx li jkunu speċifiċi għas-suq. B’mod simili, l-ispejjeż tat-taħriġ tal-persunal sabiex ibigħ il-prodotti A u B u l-ispejjeż relatati ma’ tagħmir speċifiku tal-ħżin meħtieġ għall-prodotti A u B, x’aktarx li jkunu speċifiċi għas-suq ukoll. Dawk l-investimenti rilevanti, li ġeneralment ikunu meħtieġa sabiex aġent jidħol fis-suq u jibda jbigħ il-prodotti A u B, għandhom jitħallsu mill-prinċipal, anki jekk l-aġent speċifiku jkun diġà stabbilit fis-suq rilevanti bħala distributur indipendenti.

Madankollu, il-prinċipal ma jkollux bżonn ikopri l-investimenti għall-bejgħ tal-prodott Ċ, li ma jappartjenix għall-istess suq tal-prodotti bħall-prodotti A u B. Barra minn hekk, meta l-bejgħ tal-prodott B ikun jeħtieġ investimenti speċifiċi li ma jkunux neċessarji għall-bejgħ tal-prodott A, pereżempju investimenti f’tagħmir apposta jew f’taħriġ tal-persunal, tali investimenti ma jkunux rilevanti u, għalhekk, ma jkollhomx bżonn ikunu koperti mill-prinċipal, dment li distributur ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti, li jinkludi l-prodotti A u B, billi jbigħ il-prodott A biss.

Fir-rigward tar-reklamar, l-investimenti fir-reklamar għall-ħanut tal-aġent bħala tali, minflok fir-reklamar li huwa speċifiku għall-prodott A, ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-ħanut tal-aġent b’mod ġenerali kif ukoll għall-bejgħ tal-prodotti A, B u Ċ, filwaqt li l-prodott A biss jinbiegħ skont l-akkordju ta’ aġenzija. Għalhekk, dawn l-ispejjeż ikunu parzjalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkordju ta’ aġenzija, sal-punt li jkunu relatati mal-bejgħ tal-prodott A li jinbiegħ skont l-akkordju ta’ aġenzija. Madankollu, l-ispiża ta’ kampanja pubbliċitarja relatata esklużivament mal-prodott B jew Ċ ma tkunx rilevanti u, għalhekk, ma jkollhiex tkun koperta mill-prinċipal, dment li distributur ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti billi jbigħ biss il-prodott A.

L-istess prinċipji japplikaw għall-investimenti f’sit web jew f’ħanut online, minħabba li parti minn dawn l-investimenti ma tkunx rilevanti, billi dawn ikollhom isiru irrispettivament mill-prodotti mibjugħin skont l-akkordju ta’ aġenzija. Għalhekk, il-prinċipal ma jkollux għalfejn jirrimborża l-investimenti ġenerali fid-disinn tas-sit web tal-aġent, dment li s-sit web innifsu jkun jista’ jintuża sabiex jinbiegħu prodotti għajr dawk li jappartjenu għas-suq tal-prodotti rilevanti, pereżempju, il-prodott Ċ jew, b’mod aktar ġenerali, prodotti li ma humiex A u B). Madankollu, l-investimenti relatati mal-attività ta’ reklamar jew ta’ bejgħ fuq is-sit web ta’ prodotti li jappartjenu għas-suq tal-prodotti rilevanti, jiġifieri l-prodotti A kif ukoll B, ikunu rilevanti. Għalhekk, skont il-livell ta’ investiment meħtieġ għar-reklamar u għall-bejgħ tal-prodotti A u B fuq is-sit web, il-prinċipal ikollu jkopri parti mill-ispejjeż tat-twaqqif tas-sit web u/jew tal-operat tas-sit web jew tal-ħanut online. Kwalunkwe investiment relatat b’mod speċifiku mar-reklamar jew mal-bejgħ tal-prodott B ma jkollux bżonn jiġi kopert, dment li distributur ikun jista’ jopera fis-suq rilevanti li jbigħ biss il-prodott A.

3.2.2.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat għal akkordji ta’ aġenzija

(41)

Meta akkordju jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi kkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, il-funzjoni tal-bejgħ jew tax-xiri tal-aġent tifforma parti mill-attivitajiet tal-prinċipal. Billi l-prinċipal jassumi r-riskji kummerċjali u finanzjarji relatati mal-bejgħ u max-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, l-obbligi kollha imposti fuq l-aġent b’rabta mal-kuntratti konklużi u/jew innegozjati f’isem il-prinċipal jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Is-suppożizzjoni mill-aġent tal-obbligi elenkati f’dan il-paragrafu titqies li tifforma parti inerenti minn akkordju ta’ aġenzija, billi dawk l-obbligi jirrigwardjaw il-kapaċità tal-prinċipal li jiddetermina l-ambitu tal-attività tal-aġent b’rabta mal-prodotti jew mas-servizzi tal-kuntratt. Dan huwa essenzjali jekk il-prinċipal irid jassumi r-riskji fir-rigward tal-kuntratti konklużi u/jew innegozjati mill-aġent f’isem il-prinċipal. B’hekk, il-prinċipal jista’ jiddetermina l-istrateġija kummerċjali b’rabta ma’:

(a)

limitazzjonijiet fuq it-territorju li fih l-aġent jista’ jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt;

(b)

limitazzjonijiet fuq il-klijenti li lilhom l-aġent jista’ jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt;

(c)

il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet li bihom l-aġent jeħtieġlu jbigħ jew jixtri l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt.

(42)

B’kuntrast ma’ dan, meta l-aġent jassumi wieħed jew aktar mir-riskji rilevanti deskritti fil-paragrafi minn (31) sa (33), l-akkordju bejn l-aġent u l-prinċipal ma jikkostitwixxix akkordju ta’ aġenzija li jaqa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. F’dik is-sitwazzjoni, l-aġent se jkun ittrattat bħala impriża indipendenti u l-akkordju bejn l-aġent u l-prinċipal ikun soġġett għall-Artikolu 101(1) tat-Tratta, bħal kwalunkwe akkordju vertikali ieħor. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 1(1)(k) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiċċara li impriża li, skont akkordju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tbigħ prodotti jew servizzi f’isem impriża oħra, hija xerrejja.

(43)

Anki jekk l-aġent ma jassumi l-ebda riskju sinifikanti tat-tip deskritt fil-paragrafi minn (31) sa (33), huwa jibqa’ impriża separata mill-prinċipal u, għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-aġent u l-prinċipal jistgħu jidħlu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, irrispettivament minn jekk jifformawx parti mill-akkordju li jirregola l-bejgħ jew ix-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi jew akkordju separat. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tar-Regolament. Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, tali dispożizzjonijiet jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, kif deskritta fit-Taqsima 8.1, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk jipproduċux effetti restrittivi fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, l-akkordji ta’ aġenzija jista’ jkun fihom dispożizzjoni li timpedixxi lill-prinċipal milli jaħtar aġenti oħrajn fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ tranżazzjoni, ta’ klijent jew ta’ territorju (dispożizzjonijiet ta’ aġenzija esklużiva) jew dispożizzjoni li timpedixxi lill-aġent milli jaġixxi bħala aġent jew distributur għal impriżi li jikkompetu mal-prinċipal (dispożizzjonijiet dwar marka unika). Id-dispożizzjonijiet ta’ aġenzija esklużiva ġeneralment ma jirriżultawx f’effetti antikompetittivi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar markar uniku u d-dispożizzjoni li ma ssirx kompetizzjoni wara t-terminu, li jikkonċernaw il-kompetizzjoni bejn il-marki, jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta, b’mod iżolat jew permezz ta’ effetti kumulattivi, jirriżultaw f’esklużjoni tas-suq rilevanti fejn jinbiegħu jew jinxtraw il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt (ara b’mod partikolari t-Taqsimiet 6.2.2 u 8.2.1).

(44)

Akkordju ta’ aġenzija jista’ jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, anki jekk il-prinċipal jassumi r-riskji finanzjarji u kummerċjali rilevanti kollha, f’każijiet li fihom l-akkordju jiffaċilita l-kollużjoni. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta numru ta’ prinċipali jużaw l-istess aġenti, filwaqt li jeskludu b’mod kollettiv lil prinċipali oħrajn milli jużaw dawn l-aġenti, jew meta l-prinċipali jużaw l-aġenti għal kollużjoni dwar strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni jew sabiex jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar is-suq.

(45)

Fil-każ ta’ distributur indipendenti li jaġixxi wkoll bħala aġent għal ċerti prodotti jew servizzi tal-istess fornitur, il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi (36) sa (39) trid tiġi vvalutata strettament. Dan huwa neċessarju sabiex jiġi evitat użu ħażin tal-mudell ta’ aġenzija meta l-fornitur ma jsirx fil-fatt attiv fil-livell tal-bejgħ bl-imnut permezz tal-akkordju ta’ aġenzija, u jieħu d-deċiżjonijiet ta’ distribuzzjoni assoċjati kollha u jassumi r-riskji relatati kollha, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi (30) sa (33), iżda, minflok, juża l-mudell ta’ aġenzija bħala mezz kif jikkontrolla l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut għal dawk il-prodotti li jippermettu marġini għoljin ta’ bejgħ mill-ġdid. Billi ż-żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid (resale price maintenance, “RPM”) hija restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720, kif stabbilit fit-Taqsima 6.1.1, u restrizzjoni bl-iskop skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jenħtieġ li r-relazzjoni ta’ aġenzija ma tintużax ħażin mill-fornituri sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

3.2.3.   L-Aġenzija u l-ekonomija tal-pjattaformi online

(46)

Akkordji konklużi minn impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online ġeneralment ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kkategorizzati bħala akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Tali impriżi ġeneralment jaġixxu bħala operaturi ekonomiċi indipendenti u mhux bħala parti mill-impriżi li għalihom jipprovdu s-servizzi. B’mod partikolari, l-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online spiss jaqdu numru kbir ħafna ta’ bejjiegħa, li ma jħallihomx jsiru parti minn kwalunkwe waħda mill-impriżi tal-bejjiegħa b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-effetti qawwija ta’ network u karatteristiċi oħrajn tal-ekonomija tal-pjattaformi online jistgħu jikkontribwixxu għal żbilanċ sinifikanti fid-daqs u fis-setgħa ta’ negozjar tal-partijiet kontraenti. Dan jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni li fiha l-kundizzjonijiet li fihom jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi u l-istrateġija kummerċjali jiġu ddeterminati mill-impriża attiva fl-ekonomija tal-pjattaformi online aktar milli mill-bejjiegħa tal-prodotti jew tas-servizzi. Barra minn hekk, l-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online tipikament jagħmlu investimenti sinifikanti speċifiċi għas-suq, pereżempju, fis-software, fir-reklamar u fis-servizzi ta’ wara l-bejgħ, li jindikaw li dawk l-impriżi jassumu riskji finanzjarji jew kummerċjali sinifikanti assoċjati mat-tranżazzjonijiet li huma jintermedjaw.

3.3.   Akkordji ta’ sottokuntratti

(47)

Akkordji ta’ sottokuntratti huma ddefiniti fl-Avviż dwar is-Sottokuntratti (44) bħala akkordji li, taħthom, ditta waħda, imsejħa “l-kuntrattur”, kemm jekk b’konsegwenza ta’ ordni preċedenti minn parti terza kif ukoll jekk le, tafda lil oħra, imsejħa s-“sottokuntrattur”, il-manifattura ta’ prodotti, il-provvista ta’ servizzi jew l-għemil ta’ xogħol skont l-istruzzjonijiet tal-kuntrattur, sabiex jiġu pprovduti lill-kuntrattur jew jitwettqu f’ismu. Bħala regola ġenerali, l-akkordji ta’ sottokuntratti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-Avviż dwar is-Sottokuntratti jinkludi aktar gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola ġenerali. B’mod partikolari, l-Avviż dwar is-Sottokuntrattar jiddikjara li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma japplikax għal klawżoli li jillimitaw l-użu ta’ teknoloġija jew ta’ tagħmir li l-kuntrattur jipprovdi lil sottokuntrattur, bil-kundizzjoni li t-teknoloġija jew it-tagħmir ikun neċessarju sabiex is-sottokuntrattur ikun jista’ jipproduċi l-prodotti kkonċernati (45). L-Avviż dwar is-Sottokuntrattar jiċċara wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-regola ġenerali u, b’mod partikolari, li restrizzjonijiet oħrajn imposti fuq is-sottokuntrattur jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat, bħall-obbligu li ma jwettaqx jew ma jużax ir-riċerka u l-iżvilupp tas-sottokuntrattur jew ma jipproduċix b’mod ġenerali għal partijiet terzi (46).

4.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) 2022/720

4.1.   Sfera ta’ sikurezza stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/720

(48)

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 tistabbilixxi sfera ta’ sikurezza għal akkordji vertikali fis-sens tar-Regolament, dment li l-ishma mis-suq miżmumin mill-fornitur u mix-xerrej fis-swieq rilevanti ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (ara t-Taqsima 5.2.) u l-akkordju ma jinkludi l-ebda restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (ara t-Taqsima 6.1.) (47). L-isfera ta’ sikurezza tapplika dment li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija ma jkunx ġie rtirat f’każ partikolari mill-Kummissjoni jew minn NCA skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ara t-Taqsima 7.1.). Il-fatt li akkordju vertikali jaqa’ barra mill-isfera ta’ sikurezza ma jfissirx li l-akkordju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(49)

Meta fornitur juża l-istess akkordju vertikali sabiex ixerred diversi tipi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, l-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 tista’ tirriżulta fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament li japplika fir-rigward ta’ xi prodotti jew servizzi iżda mhux fir-rigward ta’ oħrajn. Fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ma japplikax l-Artikolu 2(1) tar-Regolament, hija neċessarja valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

4.2.   Definizzjoni ta’ akkordji vertikali

(50)

L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jirreferi għal akkordji bejn impriżi. Ma jagħmel l-ebda distinzjoni fir-rigward ta’ jekk l-impriżi joperawx fl-istess livell jew f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. Għalhekk, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika kemm għall-akkordji orizzontali kif ukoll għal dawk vertikali (48).

(51)

Skont is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 19/65/KEE sabiex tiddikjara permezz ta’ regolament li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal ċerti kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi, l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiddefinixxi akkordju vertikali bħala “akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti prodotti jew servizzi” (49).

4.2.1.   Imġiba unilaterali taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720

(52)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax għal imġiba unilaterali mill-impriżi. Madankollu, l-imġiba unilaterali tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat, li jipprojbixxi l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (50).

(53)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali. Sabiex ikun hemm akkordju fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat, huwa biżżejjed li l-partijiet ikunu esprimew l-intenzjoni konġunta tagħhom li jġibu rwieħhom b’mod speċifiku fis-suq (l-hekk imsejħa rieda komuni). Il-forma li biha tiġi espressa dik l-intenzjoni hija irrilevanti, dment li tikkostitwixxi espressjoni fidila tal-intenzjoni tal-partijiet (51).

(54)

Jekk ma jkun hemm l-ebda akkordju espliċitu li jesprimi r-rieda komuni tal-partijiet, parti jew awtorità li tallega ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat jeħtiġilha turi bil-provi li l-politika unilaterali ta’ parti waħda għandha l-kunsens tal-parti l-oħra. Fir-rigward ta’ akkordji vertikali, il-kunsens għal politika unilaterali speċifika jista’ jkun jew espliċitu jew taċitu:

(a)

kunsens espliċitu jista’ jiġi dedott mill-poteri mogħtijin lill-partijiet f’akkordju ġenerali mfassal minn qabel. Jekk il-klawżoli ta’ dak l-akkordju jipprevedu jew jawtorizzaw parti sabiex tadotta sussegwentement politika unilaterali speċifika li torbot lill-parti l-oħra, il-kunsens min-naħa tal-parti l-oħra għal dik il-politika jista’ jiġi stabbilit fuq dik il-bażi (52).

(b)

għal kunsens taċitu, huwa neċessarju li jintwera li parti tirrikjedi, b’mod espliċitu jew impliċitu, il-kooperazzjoni tal-parti l-oħra għall-implimentazzjoni tal-politika unilaterali tagħha u li l-parti l-oħra tkun ikkonformat ma’ dak ir-rekwiżit billi tkun implimentat dik il-politika unilaterali fil-prattika (53). Pereżempju, jekk wara tħabbira mill-fornitur ta’ tnaqqis unilaterali fil-provvisti sabiex jiġi evitat kummerċ parallel, id-distributuri jnaqqsu immedjatament l-ordnijiet tagħhom u ma jibqgħux jinvolvu ruħhom f’kummerċ parallel, ikun jista’ jiġi konkluż li dawn id-distributuri jagħtu l-kunsens taċitu tagħhom għall-politika unilaterali tal-fornitur. Madankollu, ma tistax tinħareġ konklużjoni bħal din jekk id-distributuri jkomplu jinvolvu ruħhom f’kummerċ parallel jew jipprovaw isibu modi ġodda sabiex jinvolvu ruħhom f’kummerċ parallel.

(55)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impożizzjoni ta’ termini u ta’ kundizzjonijiet ġenerali minn parti waħda tammonta għal akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat fejn tali termini u kundizzjonijiet ikunu ġew aċċettati b’mod espliċitu jew taċitu mill-parti l-oħra (54).

4.2.2.   L-impriżi joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni

(56)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji bejn żewġ impriżi jew aktar, irrispettivament mill-mudell ta’ negozju tagħhom. Ir-Regolament ma japplikax għal akkordji konklużi ma’ persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet li jaqgħu barra min-negozjar, l-operat, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.

(57)

Sabiex jikkwalifika bħala akkordju vertikali fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720, irid jiġi konkluż akkordju bejn l-impriżi li joperaw, għall-finijiet tal-akkordju, f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. Pereżempju, jeżisti akkordju vertikali li fih impriża waħda tipproduċi materja prima jew tipprovdi servizz u tbigħu lil impriża oħra li tużah bħala input, jew meta manifattur ibigħ prodott lil bejjiegħ bl-ingrossa li jerġa’ jbigħu lil bejjiegħ bl-imnut. Bl-istess mod, jeżisti akkordju vertikali fejn impriża waħda tbigħ prodotti jew servizzi lil impriża oħra li tkun l-utent finali tal-prodotti jew tas-servizzi.

(58)

Peress li d-definizzjoni fl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) 2022/720 tirreferi għall-fini tal-akkordju speċifiku, il-fatt li impriża waħda li hija parti għall-akkordju hija attiva f’aktar minn livell wieħed tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720. Madankollu, meta jiġi konkluż akkordju vertikali bejn impriżi kompetituri, ir-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (ara t-Taqsimiet 4.4.3. u 4.4.4.).

4.2.3.   L-akkordju huwa relatati max-xiri, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi

(59)

Sabiex jikkwalifika bħala akkordju vertikali fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720, l-akkordju jrid ikun relatat mal-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet “jistgħu jixtru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid ċerti prodotti jew servizzi”. Skont l-iskop tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li jipprovdu ċertezza legali, l-Artikolu 1(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720 irid jiġi interpretat b’mod wiesa’ bħala li japplika għall-akkordji vertikali kollha, irrispettivament minn jekk dawn humiex relatati ma’ prodotti jew ma’ servizzi intermedji jew finali. Għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament għal akkordju partikolari, kemm il-prodotti kif ukoll is-servizzi pprovduti u, fil-każ ta’ prodotti jew ta’ servizzi intermedji, il-prodotti jew is-servizzi finali li jirriżultaw, jitqiesu bħala prodotti jew servizzi tal-kuntratt.

(60)

L-akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online, inklużi dawk konklużi mill-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/720, huma koperti mill-Artikolu 1(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720. Fil-każ ta’ akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, kemm is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online kif ukoll il-prodotti jew is-servizzi li jiġu nnegozjati permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jitqiesu bħala oġġetti jew servizzi tal-kuntratt għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 lill-akkordju.

(61)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax għal restrizzjonijiet vertikali li ma jkunux relatati mal-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinxtraw, jinbiegħu jew jinbiegħu mill-ġdid oġġetti jew servizzi. Għalhekk, tali restrizzjonijiet iridu jiġu vvalutati individwalment, jiġifieri huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, ir-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax għal obbligu li jipprevjeni lill-partijiet milli jwettqu riċerka u żvilupp indipendenti, minkejja li l-partijiet setgħu inkludewh fl-akkordju vertikali tagħhom. Eżempju ieħor jikkonċerna l-kuntratti ta’ kiri u ta’ lokazzjoni. Għalkemm ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji għall-bejgħ u għax-xiri ta’ prodotti għall-fini tal-kiri tagħhom lil partijiet terzi, akkordji ta’ kiri u ta’ lokazzjoni bħala tali ma humiex koperti mir-Regolament, minħabba li f’dak il-każ ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew xiri ta’ prodotti.

4.3.   Akkordji vertikali fl-ekonomija tal-pjattaformi online

(62)

L-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online għandhom rwol dejjem aktar importanti fid-distribuzzjoni tal-prodotti u tas-servizzi. Jippermettu modi ġodda ta’ kif isir in-negozju, li wħud minnhom ma humiex faċli li jiġu kkategorizzati bl-użu tal-kunċetti applikati għal akkordji vertikali fl-ambjent fiżiku.

(63)

L-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online spiss ikunu kkwalifikati bħala aġenti fid-dritt kuntrattwali jew kummerċjali. Madankollu, din il-kwalifika ma hijiex materjali għall-kategorizzazzjoni tal-akkordji tagħhom skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat (55). Akkordji vertikali konklużi minn impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online jiġu kkategorizzati biss bħala akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 3.2. Minħabba l-fatturi msemmijin fit-taqsima 3.2.3., dawk il-kundizzjonijiet ġeneralment ma jiġux issodisfati fil-każ ta’ akkordji konklużi minn impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online.

(64)

Meta akkordju vertikali konkluż minn impriża attiva fl-ekonomija tal-pjattaformi online ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi kkategorizzat bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk l-akkordju jkunx relatat mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online. L-Artikolu 1(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiddefinixxi s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online bħala servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (56) li jippermettu lill-impriżi joffru prodotti jew servizzi lil impriżi oħrajn jew lill-konsumaturi finali, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn impriżi jew bejn impriża u konsumatur finali, irrispettivament minn jekk u fejn it-tranżazzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar jiġu konklużi (57). Eżempji ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jistgħu jinkludu swieq tal-kummerċ elettroniku, ħwienet tal-apps, għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet u servizzi tal-media soċjali użati mill-impriżi.

(65)

Sabiex tikkwalifika bħala fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, impriża trid tiffaċilita l-bidu ta’ tranżazzjonijiet diretti bejn żewġ partijiet oħrajn. Fil-prinċipju, il-funzjonijiet imwettqin mill-impriża jridu jiġu vvalutati separatament għal kull akkordju vertikali li tidħol fih l-impriża, b’mod partikolari minħabba li l-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online spiss japplikaw mudelli ta’ negozju differenti f’setturi differenti jew anki fl-istess settur. Pereżempju, minbarra li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, tali impriżi jistgħu jixtru u jbigħu mill-ġdid prodotti jew servizzi, f’xi każijiet iwettqu ż-żewġ funzjonijiet fil-konfront ta’ kontroparti waħda.

(66)

Il-fatt li impriża tiġbor pagamenti għal tranżazzjonijiet li hija tintermedja, jew toffri servizzi anċillari minbarra s-servizzi ta’ intermedjazzjoni tagħha, pereżempju, servizzi ta’ reklamar, servizzi ta’ klassifikazzjoni, assigurazzjoni jew garanzija kontra d-danni, ma jipprekludix lill-impriża milli tiġi kkategorizzata bħala fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (58).

(67)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, l-impriżi li huma parti għal akkordji vertikali jiġu kkategorizzati bħala fornituri jew xerrejja. Skont l-Artikolu 1(1), il-punt (d) tar-Regolament, impriża li tipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (e) tar-Regolament hija klassifikata bħala fornitur fir-rigward ta’ dawk is-servizzi u impriza li toffri jew tbigħ prodotti jew servizzi permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online hija klassifikata bħala xerrej fir-rigward ta’ dawk is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, irrispettivament jekk tħallasx jew le biex tuża s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online (59). Dan għandu l-konsegwenzi li ġejjin għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720:

(a)

l-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma tistax tiġi kkategorizzata bħala xerrej fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (k) tar-Regolament fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi offruti minn partijiet terzi li jużaw dawk is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online;

(b)

għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, is-sehem mis-suq tal-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jiġi kkalkolat fis-suq rilevanti għall-provvista ta’ dawk is-servizzi. L-ambitu tas-suq rilevanti jiddependi mill-fatti tal-każ, b’mod partikolari l-grad ta’ sostitwibbiltà bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u offline, bejn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni użati għal kategoriji differenti ta’ prodotti jew ta’ servizzi u bejn is-servizzi tal-intermedjazzjoni u l-kanali ta’ bejgħ dirett;

(c)

restrizzjonijiet imposti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online fuq ix-xerrejja ta’ dawk is-servizzi relatati mal-prezz li bih, mat-territorji li għalihom, jew mal-klijenti li lilhom jistgħu jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi intermedjati, inklużi restrizzjonijiet relatati mar-reklamar online u mal-bejgħ online, huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament (restrizzjonijiet fundamentali). Pereżempju, skont l-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordju li permezz tiegħu fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jimponi prezz tal-bejgħ fiss jew minimu għal tranżazzjoni li jiffaċilita;

(d)

skont l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament, l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għall-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn il-pjattaformi imposti mill-impriża li tipprovdi s-servizzi ta’ intermedjazzjoni online fuq ix-xerrejja ta’ dawk is-servizzi;

(e)

skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordji relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online meta l-fornitur tas-servizzi jkun impriża kompetitriċi fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati (funzjoni ibrida). Kif stabbilit fit-Taqsima 4.4.4., tali akkordji jridu jiġu vvalutati skont il-Linji Gwida Orizzontali fir-rigward tal-effetti kollużivi possibbli u skont it-taqsima 8 ta’ dawn il-Linji Gwida fir-rigward ta’ kwalunkwe restrizzjoni vertikali.

(68)

L-impriżi attivi fl-ekonomija tal-pjattaformi online li ma jipprovdux servizzi ta’ intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720 jistgħu jiġu kkategorizzati bħala fornituri jew xerrejja għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament. Pereżempju, tali impriżi jistgħu jiġu kkategorizzati bħala fornituri ta’ servizzi ta’ input upstream jew bħala bejjiegħa/bejjigħa mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi downstream. Din il-kategorizzazzjoni tista’ taffettwa, b’mod partikolari, id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, l-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tar-Regolament (restrizzjonijiet fundamentali), u l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tar-Regolament (restrizzjonijiet esklużi).

4.4.   Limiti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720

4.4.1.   Assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut

(69)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2022/720 jipprevedi li l-akkordji vertikali konklużi minn assoċjazzjoni ta’ impriżi li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet jistgħu jibbenefikaw mill-isfera ta’ sikurezza, u b’hekk jeskludu mill-isfera ta’ sikurezza akkordji vertikali konklużi mill-assoċjazzjonijiet l-oħrajn kollha. B’mod aktar speċifiku, l-akkordji vertikali konklużi bejn assoċjazzjoni u membri individwali, jew bejn assoċjazzjoni u fornituri individwali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 biss jekk il-membri kollha jkunu bejjiegħa bl-imnut, ibigħu prodotti (u mhux servizzi) lil konsumaturi finali, u jekk kull membru individwali tal-assoċjazzjoni jkollu fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun (60). Madankollu, meta numru limitat biss tal-membri tal-assoċjazzjoni jkollhom fatturat annwali li jaqbeż il-limitu ta’ EUR 50 miljun u meta dawk il-membri flimkien jirrappreżentaw anqas minn 15 % tal-fatturat kollettiv tal-membri kollha, dan ġeneralment ma jbiddilx il-valutazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

(70)

Assoċjazzjoni ta’ impriżi tista’ tinvolvi kemm akkordji orizzontali kif ukoll vertikali. L-akkordji orizzontali jridu jiġu vvalutati skont il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida Orizzontali. Jekk il-konklużjoni ta’ dik il-valutazzjoni tkun li kooperazzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tax-xiri jew tal-bejgħ ma tqajjem l-ebda tħassib, b’mod partikolari minħabba li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk il-Linji Gwida relatati mal-akkordji ta’ xiri u/jew ta’ kummerċjalizzazzjoni, tkun neċessarja valutazzjoni ulterjuri sabiex jiġu eżaminati l-akkordji vertikali konklużi mill-assoċjazzjoni ma’ fornituri individwali jew ma’ membri individwali. Dik il-valutazzjoni ulterjuri trid titwettaq f’konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) 2022/720, u b’mod partikolari mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5 tiegħu, u ma’ dawn il-Linji Gwida. Pereżempju, l-akkordji orizzontali konklużi bejn il-membri tal-assoċjazzjoni jew id-deċiżjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni, bħad-deċiżjoni li l-membri jkunu meħtieġa jixtru mill-assoċjazzjoni jew id-deċiżjoni li jiġu allokati territorji esklużivi għall-membri, iridu l-ewwel jiġu vvalutati bħala akkordju orizzontali. Huwa biss jekk dik il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-akkordju orizzontali jew deċiżjoni ma hijiex antikompetittiva li jkun neċessarju li jiġu vvalutati l-akkordji vertikali bejn l-assoċjazzjoni u membri individwali jew bejn l-assoċjazzjoni u fornituri individwali.

4.4.2.   Akkordji vertikali li fihom dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (DPI)

(71)

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2022/720 jipprevedi li l-akkordji vertikali li jkun fihom ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw l-assenjazzjoni jew l-użu ta’ DPI jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax għal akkordji vertikali oħrajn li fihom dispożizzjonijiet dwar id-DPI.

(72)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali li fihom dispożizzjonijiet dwar id-DPI meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jridu jkunu parti minn akkordju vertikali, jiġifieri akkordju b’kundizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid ċerti prodotti jew servizzi;

(b)

id-DPI jridu jiġu ċeduti lix-xerrej jew jiġu liċenzjati għall-użu minnu;

(c)

id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI ma jridux jikkostitwixxu l-għan primarju tal-akkordju;

(d)

id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jridu jkunu direttament relatati mal-użu, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. Fil-każ ta’ franchising fejn il-kummerċjalizzazzjoni tifforma l-għan tal-isfruttament tad-DPI, il-prodotti jew is-servizzi jiġu ddistribwiti mill-franchisee ewlieni jew mill-franchisees;

(e)

id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI, b’rabta mal-prodotti jew mas-servizzi tal-kuntratt, ma jridx ikun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkollhom l-istess għan bħar-restrizzjonijiet vertikali li ma humiex eżentati skont ir-Regolament (UE) 2022/720.

(73)

Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li r-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali fejn l-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi jista’ jsir b’mod aktar effettiv minħabba li d-DPI jiġu ċeduti lix-xerrej jew liċenzjati għall-użu minnu. Dan ifisser li r-restrizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni jew l-użu tad-DPI jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament meta l-għan prinċipali tal-akkordju jkun ix-xiri jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi.

(74)

L-ewwel kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72), il-punt (a), tagħmilha ċara li d-DPI jridu jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ akkordju għax-xiri jew għad-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew ta’ akkordju għax-xiri jew għall-forniment ta’ servizzi, u mhux fil-kuntest ta’ akkordju dwar iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar tad-DPI għall-manifattura ta’ prodotti, u lanqas fil-kuntest ta’ akkordju purament għal-liċenzjar. Ir-Regolament (UE) 2022/720 ma jkoprix, pereżempju:

(a)

akkordji li fihom parti tipprovdi lil parti oħra b’riċetta u tagħtiha liċenzja sabiex tipproduċi xarba b’dik ir-riċetta;

(b)

il-liċenzja pura ta’ trademark jew sinjal għall-finijiet ta’ merchandising;

(c)

kuntratti ta’ sponsorjar dwar id-dritt għar-reklamar proprju bħala l-isponsor uffiċjali ta’ avveniment;

(d)

liċenzjar ta’ drittijiet tal-awtur bħal kuntratti tax-xandir li jikkonċernaw id-dritt ta’ reġistrazzjoni jew ta’ xandir ta’ avveniment.

(75)

Mit-tieni kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu (72), il-punt (b), jirriżulta li r-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax meta d-DPI jiġu pprovduti mix-xerrej lill-fornitur, irrispettivament minn jekk id-DPI jirrigwardawx il-mod ta’ manifattura jew ta’ distribuzzjoni. Akkordju relatat mat-trasferiment tad-DPI lill-fornitur u li fih restrizzjonijiet possibbli fuq il-bejgħ li jsir mill-fornitur ma huwiex kopert mir-Regolament (UE) 2022/720. Dan ifisser li s-sottokuntrattar li jinvolvi t-trasferiment tal-għarfien espert lil sottokuntrattur ma huwiex kopert mir-Regolament (UE) 2022/720 (ara wkoll it-Taqsima 3.3). Madankollu, akkordji vertikali li skont dawn ix-xerrej jipprovdi biss speċifikazzjonijiet lill-fornitur li jiddeskrivu l-prodotti jew servizzi li jridu jiġu forniti huma koperti mir-Regolament (UE) 2022/720.

(76)

It-tielet kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72), il-punt (c), tirrikjedi li l-oġġett primarju tal-akkordju ma tkunx iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar tad-DPI. L-għan primarju jrid ikun ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi u d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jridu jservu l-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali.

(77)

Ir-raba’ kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72), il-punt (d), tirrikjedi li d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI jiffaċilitaw l-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti jew ta’ servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. Il-prodotti jew is-servizzi għall-użu jew għall-bejgħ mill-ġdid normalment jiġu forniti mil-liċenzjatur, iżda jistgħu wkoll jinxtraw mil-liċenzjatarju mingħand fornitur terz. Id-dispożizzjonijiet dwar id-DPI normalment ikunu jikkonċernaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Eżempju ta’ dan ikun akkordju dwar franchising li bih il-franchisor ibigħ prodotti għall-bejgħ mill-ġdid lill-franchisee u jagħti liċenzja lill-franchisee sabiex juża t-trademark u l-għarfien espert tiegħu sabiex jikkummerċjalizza l-prodotti, jew li bih il-fornitur ta’ estratt ikkonċentrat jagħti liċenzja lix-xerrej sabiex jiddilwixxi u jqiegħed l-estratt fi fliexken qabel ma jbigħu bħala xarba.

(78)

Il-ħames kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu (72), il-punt (e), tirrikjedi li d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI ma jkollhomx l-istess għan bħal kwalunkwe restrizzjoni fundamentali elenkata fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 jew kwalunkwe restrizzjoni li hija eskluża mill-benefiċċju tar-Regolament skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (ara t-taqsima 6).

(79)

Id-DPI rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ akkordji vertikali fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2022/720 ġeneralment ikunu jikkonċernaw tliet oqsma ewlenin: it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur u l-għarfien espert.

4.4.2.1.   It-trademarks

(80)

Liċenzja ta’ trademark lil distributur tista’ tkun relatata mad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-liċenzjatur f’territorju partikolari. Jekk tkun liċenzja esklużiva, l-akkordju jammonta għal distribuzzjoni esklużiva.

4.4.2.2.   Id-drittijiet tal-awtur

(81)

Ir-rivendituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti mid-dritt tal-awtur (pereżempju, kotba u software) jistgħu jkunu obbligati mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur sabiex ibigħu mill-ġdid biss taħt il-kundizzjoni li x-xerrej, irrispettivament minn jekk ikunx rivenditur ieħor jew l-utent finali, ma jiksirx id-drittijiet tal-awtur. Sal-punt li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tali obbligi fuq ir-rivenditur huma koperti mir-Regolament (UE) 2022/720.

(82)

Kif imsemmi fil-paragrafu 62 tal-Linji Gwida dwar it-Trasferiment ta’ Teknoloġija (61), il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur ta’ software għall-iskop ta’ sempliċi riproduzzjoni u distribuzzjoni tax-xogħol protett ma huwiex kopert mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 (62) iżda, minflok, huwa kopert b’analoġija mir-Regolament (UE) 2022/720 u minn dawn il-Linji Gwida.

(83)

Barra minn hekk, akkordji li taħthom jiġu forniti hard copies ta’ software għall-bejgħ mill-ġdid u r-rivenditur ma jakkwista l-ebda liċenzja għal kwalunkwe dritt fis-software iżda jkollu biss id-dritt li jerġa’ jbigħ il-hard copies, għandhom jitqiesu bħala akkordji għall-provvista ta’ prodotti għall-bejgħ mill-ġdid għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2022/720. Taħt dik il-forma ta’ distribuzzjoni, il-liċenzjar tas-software jsir biss bejn is-sid tad-drittijiet tal-awtur u l-utent tas-software. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ liċenzja “shrink wrap”, jiġifieri sett ta’ kundizzjonijiet inklużi fil-pakkett tal-hard copy li l-utent finali jitqies li jaċċetta billi jiftaħ il-pakkett.

(84)

Ix-xerrejja ta’ hardware li jinkorpora software protett mid-drittijiet tal-awtur jistgħu jkunu obbligati mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u, għalhekk, ma jistgħux jagħmlu kopji u jerġgħu jbigħu s-software jew jagħmlu kopji u jużaw is-software flimkien ma’ hardware ieħor. Sal-punt li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tali restrizzjonijiet fuq l-użu huma koperti mir-Regolament (UE) 2022/720.

4.4.2.3.   Għarfien espert

(85)

L-akkordji dwar franchising, bl-eċċezzjoni ta’ akkordji ta’ franchising industrijali, huma eżempju ta’ għarfien li jiġi kkomunikat lix-xerrej għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni (63). L-akkordji dwar franchising fihom liċenzji ta’ DPI relatati ma’ trademarks jew ma’ sinjali, u għarfien espert għall-użu u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti jew għall-forniment ta’ servizzi. Minbarra l-liċenzja tad-DPI, il-franchisor normalment jipprovdi lill-franchisee bl-assistenza kummerċjali jew teknika għat-tul ta’ żmien kollu tal-akkordju, bħal servizzi ta’ akkwist, taħriġ, pariri dwar il-proprjetà immobbli u ppjanar finanzjarju. Il-liċenzja u l-assistenza pprovduta huma komponenti integrali tal-metodu tan-negozju li jkun soġġett għal franchising.

(86)

Il-liċenzjar li jkun jinstab fi ftehimiet dwar franchising huwa kopert mir-Regolament (UE) 2022/720 meta jkunu ssodisfati l-ħames kundizzjonijiet kollha elenkati fil-paragrafu (72). Dan normalment ikun il-każ, għaliex taħt ħafna akkordju dwar franchising, inklużi akkordju dwar franchising prinċipali, il-franchisor jipprovdi prodotti u/jew servizzi, partikolarment servizzi kummerċjali jew ta’ assistenza teknika, lill-franchisee. Id-DPI jgħinu lill-franchisee jbigħ mill-ġdid il-prodotti fornuti mill-franchisor jew minn fornitur maħtur mill-franchisor, jew juża dawk il-prodotti u jbigħ il-prodotti jew servizzi li jirriżultaw. Meta l-akkordju dwar franchising ikun jikkonċerna biss jew primarjament il-liċenzjar tad-DPI, huwa ma jkunx kopert mir-Regolament (UE) 2022/720, iżda l-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, tapplika l-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/720 u f’dawn il-Linji Gwida għal tali akkordju.

(87)

L-obbligi relatati mad-DPI li ġejjin ġeneralment jitqiesu bħala neċessarji sabiex jipproteġu d-DPI tal-franchisor u, meta dawn l-obbligi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, huma koperti wkoll mir-Regolament (UE) 2022/720:

(a)

obbligu fuq il-franchisee li ma jinvolvix ruħu, direttament jew indirettament, f’xi negozju simili;

(b)

obbligu fuq il-franchisee li ma jakkwistax interessi finanzjarji fil-kapital ta’ impriża kompetitriċi bħal sabiex il-franchisee jingħata s-setgħa li jinfluwenza l-kondotta ekonomika ta’ tali impriża;

(c)

obbligu fuq il-franchisee li ma jiddivulgax lil partijiet terzi l-għarfien espert ipprovdut mill-franchisor, dment li t-tali għarfien espert ma jkunx fid-dominju pubbliku;

(d)

obbligu fuq il-franchisee li jikkomunika lill-franchisor kull esperjenza miksuba fl-isfruttar tal-franchise u li jagħti lill-franchisor u lil franchisees oħrajn liċenzja mhux esklużiva għall-għarfien espert li jirriżulta minn dik l-esperjenza;

(e)

obbligu fuq il-franchisee li jgħarraf lill-franchisor bi kwalunkwe ksur tad-DPI liċenzjati, li jieħu azzjoni legali kontra dawk li jwettqu dan il-ksur jew li jassisti lill-franchisor fi kwalunkwe azzjoni legali kontra dawk li jwettqu l-ksur;

(f)

obbligu fuq il-franchisee li ma jużax l-għarfien espert liċenzjat mill-franchisor għal finijiet oħrajn għajr l-isfruttament tal-franchise;

(g)

obbligu fuq il-franchisee li ma jċedix id-drittijiet u l-obbligi skont l-akkordju dwar franchising mingħajr il-kunsens tal-franchisor.

4.4.3.   Akkordji vertikali bejn il-kompetituri

(88)

Fir-rigward ta’ akkordji vertikali bejn il-kompetituri, l-ewwel għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) 2022/720, li fuqu hija pprovduta gwida fit-taqsima 4.5., ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali li s-suġġett tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’tali regolament ieħor.

(89)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2022/720 tistabbilixxi r-regola ġenerali li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordji vertikali konklużi bejn impriżi kompetituri.

(90)

L-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiddefinixxi impriża kompetitriċi bħala kompetitriċi attwali jew potenzjali. Żewġ impriżi jiġu ttrattati bħala kompetituri attwali jekk ikunu attivi fl-istess suq (tal-prodott u ġeografiku) rilevanti. Impriża tiġi ttrattata bħala kompetitur potenzjali ta’ impriża oħra jekk, fin-nuqqas ta’ akkordju vertikali bejn l-impriżi, ikun probabbli li din l-ewwel impriża tagħmel, fi ħdan perjodu ta’ żmien qasir (li normalment ma jaqbiżx sena), l-investimenti addizzjonali neċessarji jew iġġarrab spejjeż neċessarji oħrajn sabiex tidħol fis-suq rilevanti li fih tkun attiva l-impriża l-oħra. Din il-valutazzjoni trid tkun ibbażata fuq raġunijiet realistiċi, wara li jitqiesu l-istruttura tas-suq u l-kuntest ekonomiku u legali. Is-sempliċi possibbilità teoretika li tidħol f’suq ma hijiex biżżejjed. Irid ikun hemm possibbiltajiet reali u konkreti sabiex l-impriża tkun tista’ tidħol fis-suq u ebda ostaklu insuperabbli għad-dħul. Bil-maqlub, ma hemmx bżonn li jintwera b’ċertezza li l-impriża fil-fatt se tidħol fis-suq rilevanti u li se tkun kapaċi żżomm postha hemmhekk (64).

(91)

Akkordji vertikali bejn l-impriżi kompetituri li ma jaqgħux fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2022/720, li dwarhom tingħata gwida fil-punti minn (93) sa (95), iridu jiġu vvalutati individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Dawn il-Linji Gwida huma rilevanti għall-valutazzjoni ta’ kull restrizzjoni vertikali f’akkordji bħal dawn. Il-Linji Gwida Orizzontali jistgħu jipprovdu gwida rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti kollużivi possibbli.

(92)

Bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut li jipprovdi speċifikazzjonijiet lil manifattur sabiex jipproduċi prodotti għall-bejgħ taħt l-isem tal-marka ta’ dak il-bejjiegħ bl-ingrossa jew tal-bejjiegħ bl-imnut ma jitqiesx bħala manifattur ta’ tali prodotti tal-marka proprja u konsegwentement ma jkunx kompetitur tal-manifattur għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(4), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720. Għalhekk, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tista’ tapplika għal akkordju vertikali konkluż bejn bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut li jbigħ prodotti tal-marka proprja li jkunu ġew immanifatturati minn parti terza (u mhux internament), minn naħa waħda, u manifattur ta’ prodotti ta’ marka kompetitriċi, min-naħa l-oħra (65). B’kuntrast ma’ dan, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut li jimmanifatturaw il-prodotti internament għall-bejgħ bl-isem tal-marka tagħhom stess jitqiesu bħala manifatturi u, għalhekk, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ma tapplikax għal akkordji vertikali konklużi minn tali bejjiegħa bl-ingrossa jew bejjiegħa bl-imnut mal-manifatturi ta’ prodotti ta’ marka kompetitriċi.

(93)

L-Artikolu 2(4), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2022/720 fih żewġ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax għal akkordji bejn impriżi kompetituri. B’mod aktar speċifiku, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tipprevedi li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika għal akkordji vertikali mhux reċiproċi bejn impriżi kompetituri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet jew tal-punt (a) jew tal-punt (b) tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament. B’mod partikolari, mhux reċiproċi tfisser li x-xerrej tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt ma jipprovdix ukoll il-prodotti jew is-servizzi kompetituri lill-fornitur.

(94)

Iż-żewġ eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2022/720 it-tnejn jikkonċernaw xenarji ta’ distribuzzjoni doppja, jiġifieri xenarji li fihom fornitur ta’ prodotti jew ta’ servizzi jkun attiv ukoll fil-livell downstream, u b’hekk ikun qed jikkompeti mad-distributuri indipendenti tiegħu. L-Artikolu 2(4), il-punt (a) tar-Regolament jikkonċerna x-xenarju li fih il-fornitur ibigħ il-prodotti tal-kuntratt f’diversi livelli ta’ kummerċ, jiġifieri fil-livell upstream bħala manifattur, importatur, jew bejjiegħ bl-ingrossa u fil-livell downstream bħala importatur, bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut, filwaqt li x-xerrej ibigħ il-prodotti tal-kuntratt f’livell downstream, jiġifieri bħala importatur, bejjiegħ bl-ingrossa jew bejjiegħ bl-imnut, u ma jkunx impriża kompetitriċi fil-livell upstream fejn jixtri l-prodotti tal-kuntratt. L-Artikolu 2(4), il-punt (b) tar-Regolament jikkonċerna x-xenarju li fih il-fornitur ikun fornitur ta’ servizzi li jopera f’diversi livelli ta’ kummerċ, filwaqt li x-xerrej jipprovdi servizzi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jkunx impriża kompetitriċi fil-livell tal-kummerċ meta jixtri s-servizzi tal-kuntratt.

(95)

Ir-raġuni għal dawn l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2022/720 hija li, fix-xenarju ta’ distribuzzjoni doppja, l-impatt negattiv potenzjali tal-akkordju vertikali fuq ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-fornitur u x-xerrej fil-livell downstream jitqies bħala inqas importanti mill-impatt pożittiv potenzjali tal-akkordju vertikali fuq il-kompetizzjoni b’mod ġenerali fil-livelli upstream jew downstream. Billi l-Artikolu 2(4), il-punti (a) u (b) huma eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li r-Regolament (UE) X ma japplikax għal akkordji bejn il-kompetituri, dawn l-eċċezzjonijiet jenħtieġ li jiġu interpretati b’mod restrittiv.

(96)

Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4) il-punt (a) jew (b) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiġu ssodisfati, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika għall-aspetti kollha tal-akkordju vertikali inkwistjoni, inklużi, b’mod ġenerali, għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-partijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-akkordju (66). L-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jikkontribwixxi għall-effetti prokompetittivi tal-akkordji vertikali, inkluża l-ottimizzazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni. Dan japplika wkoll fix-xenarji ta’ distribuzzjoni doppja. Madankollu, mhux l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bejn fornitur u xerrej f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja huma titjib fl-effiċjenza. Għal dik ir-raġuni, l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2022/720 jipprevedi li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4), il-punti (a) u (b) ma japplikawx għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn fornitur u xerrej li ma tkunx marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali jew li ma tkunx meħtieġa biex ittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, jew li ma tkun tissodisfa l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. L-Artikolu 2(5) tar-Regolament u l-gwida prevista fil-paragrafi minn (96) sa (103) jikkonċernaw biss l-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ distribuzzjoni doppja, jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet ta’ akkordju vertikali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4), il-punt (a) jew (b) tar-Regolament.

(97)

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament u ta’ dawn il-Linji Gwida, l-iskambju ta’ informazzjoni jinkludi kull komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn parti waħda tal-akkordju vertikali għall-parti l-oħra, irrispettivament mill-karatteristiċi tal-iskambju, pereżempju jekk l-informazzjoni tiġix ikkomunikata minn parti waħda biss jew miż-żewġ partijiet, jew jekk l-informazzjoni tiġix skambjata bil-miktub jew bil-fomm. Huwa wkoll immaterjali jekk il-forma u l-kontenut tal-iskambju tal-informazzjoni jkunux miftiehma fl-akkordju vertikali jew jekk dawn iseħħux fuq bażi informali, inkluż, pereżempju, meta parti waħda tal-akkordju vertikali tikkomunika informazzjoni li ma tkunx ġiet mitluba mill-parti l-oħra.

(98)

Jekk skambju ta’ informazzjoni f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja jkunx marbut direttament mal-implimentazzjoni ta’ akkordju vertikali u jkunx meħtieġ biex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2022/720 jista’ jkun jiddependi fuq il-mudell partikolari ta’ distribuzzjoni. Pereżempju, f’akkordju ta’ distribuzzjoni esklużiva, jista’ jkun meħtieġ li l-partijiet jiskambjaw l-informazzjoni marbuta mal-attivitajiet ta’ bejgħ rispettiv tagħhom f’territorji partikolari jew fir-rigward ta’ gruppi ta’ klijenti partikolari. Skont akkordju dwar franchising, jista’ jkun neċessarju li l-franchisor u l-franchisee jiskambjaw informazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ mudell ta’ negozju uniformi fin-network ta’ franchising kollu (67). F’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jista’ jkun meħtieġ li d-distributur jikkondividi l-informazzjoni mal-fornitur relatat mal-konformità tagħha mal-kriterji tal-għażla u ma’ kwalunkwe restrizzjoni fuq il-bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati.

(99)

Dan li jsegwi huwa lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ informazzjoni li għandhom mnejn, skont iċ-ċirkostanzi partikolari, ikunu marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali u meħtieġa biex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt (68):

(a)

informazzjoni teknika marbuta mal-prodotti jew mas-servizzi tal-kuntratt, inkluża informazzjoni marbuta mar-reġistrazzjoni, maċ-ċertifikazzjoni, mat-trattament, mal-użu, mal-manutenzjoni, mat-tiswija, mall-aġġornament jew ir-reċiklaġġ tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, b’mod partikolari meta tali informazzjoni tkun meħtieġa li tikkonforma ma’ miżuri regolatorji, u ma’ informazzjoni li tippermetti lill-fornitur jew lix-xerrej jadatta l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt għar-rekwiżiti tal-klijent;

(b)

informazzjoni loġistika marbuta mal-produzzjoni u mad-distribużżjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt fil-livelli upstream jew downstream, inkluża informazzjoni marbuta ma’ proċessi tal-produzzjoni, mal-inventarju, u, soġġetti għall-punt (b) tal-paragrafu (100), mal-volumi ta’ bejgħ u ta’ redditu;

(c)

soġġetta għall-punt (b) tal-paragrafju (100), l-informazzjoni marbuta max-xiri min-naħa tal-klijenti ta’ prodotti jew ta’ servizzi tal-kuntratt, mal-preferenzi u mal-feedback tal-klijenti,dment li l-iskambju ta’ tali informazzjoni ma jintużax biex jirrestrinġi t-territorju li fih jew il-klijenti li lilhom ix-xerrej jista’ jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4, il-punti (b), (c) jew (d) tar-Regolament (UE) 2022/720;

(d)

informazzjoni marbuta mal-prezzijiet li bihom jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt mill-fornitur lix-xerrej;

(e)

soġġetta għall-punt (a) tal-paragrafu (100), informazzjoni marbuta mal-prezzijiet rakkomandati tal-bejgħ mill-ġdid tal-fornitur jew mal-prezzijiet massimi tal-bejgħ mill-ġdid għall-prodotti jew għas-servizzi tal-kuntratt, u informazzjoni marbuta mal-prezzijiet li bihom ix-xerrej jerġa’ jbigħ il-prodotti jew is-servizzi, dment li t-tali skambju ta’ informazzjoni ma jintużax sabiex jirrestrinġi l-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu jew li jinforza prezz tal-bejgħ fiss jew minimu fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720 (69);

(f)

soġġetta għall-paragrafu(100) u l-punt (e) ta’ dan il-paragrafu, l-informazzjoni marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tal-kuntratt, inkluża informazzjoni dwar kampanji promozzjonali u informazzjoni dwar prodotti jew servizzi ġodda li jridu jiġu fornuti skont l-akkordju vertikali;

(g)

informazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, inkluża informazzjoni aggregata kkomunikata mill-fornitur lix-xerrej b’rabta mal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ ta’ xerrejja oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, dment li din ma tippermettix lix-xerrej jidentifika l-attivitajiet ta’ xerrejja kompetituri partikolari, kif ukoll informazzjoni marbuta mal-volum jew mal-valur tal-bejgħ tax-xerrej tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt fir-rigward tal-bejgħ min-naħa tiegħu ta’ prodotti jew ta’ servizzi kompetituri.

(100)

Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ informazzjoni li b’mod ġenerali x’aktarx li ma tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2022/720 meta skambjata bejn fornitur u xerrej f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja:

(a)

informazzjoni marbuta mal-prezzijiet futuri li bihom il-fornitur jew ix-xerrej ikunu beħsiebhom ibigħu l-prodotti jew is-servizzi downstream tal-kuntratt;

(b)

informazzjoni marbuta ma’ utenti finali identifikati tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, dment li l-iskambju ta’ tali informazzjoni jkun meħtieġ:

(1)

biex tippermetti lill-fornitur jew lix-xerrej jissodisfa r-rekwiżiti ta’ utent finali partikolari, pereżempju biex tadatta l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt għar-rekwiżiti tal-utent finali, biex jingħataw kundizzjonijiet speċjali lill-utent finali, inkluż taħt skema ta’ lealtà tal-klijent, jew biex jiġu pprovduti servizzi ta’ qabel jew ta’ wara l-bejgħ, inklużi servizzi ta’ garanzija,

(2)

għall-implimentazzjoni jew il-monitoraġġ tal-konformità ma’ akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva jew akkordju ta’ distribuzzjoni esklusiva, li taħtu l-utenti finali jiġu allokati lill-fornitur jew lix-xerrej;

(c)

informazzjoni marbuta ma’ prodotti mibjugħin minn xerrej bl-isem kummerċjali tiegħu stess skambjata bejn ix-xerrej u manifattur ta’ prodotti ta’ marka kompetitriċi, dment li l-manifattur ikun ukoll il-produttur tal-prodotti tal-marka proprja.

(101)

L-eżempji stabbiliti fil-paragrfi (99) u (100) huma previsti li jassistu lill-impriżi bl-awtovalutazzjoni tagħhom. Madankollu, l-inklużjoni ta’ tip partikolari ta’ informazzjoni fil-paragrafu (99) ma timplikax li l-iskambju ta’ tali informazzjoni se tkun tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2022/720 fil każijiet kollha. B’mod simili, l-inklużjoni ta’ tip partikolari ta’ informazzjoni fil-paragrafu (100) ma timplikax li l-iskambju ta’ tali informazzjoni qatt ma se tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Għalhekk l-impriżi jridu japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament għall-fatti partikolari tal-akkordju vertikali tagħhom.

(102)

Meta l-partijiet ta’ akkordju vertikali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(4), il-punt (a) jew (b) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiskambjaw informazzjoni li ma tkunx direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-akkordju vertikali tagħhom jew ma tkunx meħtieġa biex ittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, jew ma tissodisfa l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, l-iskambju tal-informazzjoni jrid jiġi vvalutat individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Dawn l-iskambji mhux neċessarjament jiksru l-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-akkordju vertikali jistgħu xorta waħda jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, dment li mill-bqija l-akkordju jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament.

(103)

Meta impriżi kompetituri jidħlu f’akkordju vertikali u jimpenjaw ruħom fl-iskambji ta’ informazzjoni li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (70) jistgħu jieħdu prekawzjonijiet sabiex jimminimizzaw ir-riskju li l-iskambju ta’ informazzjoni jqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni (71). Pereżempju, jistgħu jiskambjaw biss informazzjoni f’forma aggregata jew jiżguraw dewmien xieraq bejn il-ġenerazzjoni tal-informazzjoni u l-iskambju. Jistgħu wkoll jużaw miżuri tekniċi jew amministrattivi, bħal firewalls, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni kkomunikata mix-xerrej tkun aċċessibbli biss għall-persunal responsabbli għall-attivitajiet upstream tal-fornitur u mhux għall-persunal responsabbli għall-attività ta’ bejgħ dirett downstream tal-fornitur. Madankollu, l-użu ta’ prekawzjonijiet bħal dawn ma jistax ipoġġi l-iskambju tal-informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 li b’mod ieħor tkun taqa’ barra mill-ambitu ta’ din l-eżenzjoni.

4.4.4.   Akkordji vertikali mal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li għandhom funzjoni ibrida

(104)

Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2022/720, l-eċċezzjonijiet għad-distribuzzjoni doppja stabbiliti fl-Artikolu 2(4), il-punti (a) u (b) tar-Regolament ma japplikawx għal akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online meta l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkollu funzjoni ibrida, jiġifieri jkun ukoll impriża kompetitriċi fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati (72). L-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali “marbuta” mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, irrispettivament minn jekk l-akkordju jkunx marbut mal-forniment ta’ dawn is-servizzi lil parti tal-akkordju jew lil partijiet terzi.

(105)

L-akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online konklużi mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online b’tali funzjoni ibrida ma jissodisfawx il-ġustifikazzjoni għall-eċċezzjonijiet ta’ distribuzzjoni doppja, stabbilita fl-Artikolu 2(4), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2022/720. Tali fornituri jista’ jkollhom inċentiv li jiffavorixxu l-bejgħ tagħhom stess u l-kapaċità li jinfluwenzaw l-eżitu tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jużaw is-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tagħhom. Għalhekk, tali akkordji vertikali jistgħu jqajmu tħassib għall-kompetizzjoni b’mod ġenerali fis-swieq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati.

(106)

L-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun kompetitur attwali jew potenzjali fis-suq rilevanti għall-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi intermedjati. B’mod partikolari, irid ikun probabbli li l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, f’terminu qasir (normalment mhux itwal minn sena), jagħmel l-investimenti addizzjonali neċessarji jew iġarrab spejjeż neċessarji oħrajn sabiex jidħol fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati (73).

(107)

L-akkordji relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2022/720, ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament iridu jiġu vvalutati individwalment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Tali akkordji mhux neċessarjament jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jew jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-Avviż De Minimis jista’ japplika meta l-partijiet ikollhom ishma mis-suq baxxi fis-suq rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u s-suq rilevanti għall-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi intermedjati (74). Il-Linji Gwida Orizzontali jistgħu jipprovdu gwida rilevanti għall-valutazzjoni tal-effetti kollużivi possibbli. Dawn il-Linji Gwida jistgħu jipprovdu gwida għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni vertikali.

(108)

Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet bi skop, l-effetti antikompetittivi sinifikanti x’aktarx li ma jkunux probabbli meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma jgawdix is-setgħa tas-suq fis-suq rilevanti għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, pereżempju minħabba li jkun daħal biss reċentement f’suq bħal dan (fażi tal-bidu). Fl-ekonomija tal-pjattaformi online, id-dħul iġġenerat minn fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (pereżempju, kummissjonijiet) jista’ jkun biss l-ewwel indikatur għall-firxa tas-saħħa fis-suq tiegħu u jista’ jkun neċessarju wkoll li titqies metrika alternattiva, bħan-numru ta’ tranżazzjonijiet intermedjati mill-fornitur, in-numru ta’ utenti tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online (bejjiegħa u/jew xerrejja) u l-punt sa fejn tali utenti jużaw is-servizzi ta’ fornituri oħrajn. Huwa improbabbli wkoll li fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jgawdi s-saħħa fis-suq meta ma jkunx jibbenefika minn effetti ta’ network pożittivi sinifikanti diretti jew indiretti.

(109)

Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet skont l-għan jew ta’ saħħa sinjifikanti fis-suq, ma huwiex probabbli li l-Kummissjoni tipprijoritizza l-azzjoni ta’ infurzar fir-rigward ta’ akkordji vertikali relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online meta l-fornitur ikollu funzjoni ibrida. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, f’xenarju ta’ distribuzzjoni doppja, fornitur jippermetti lix-xerrejja ta’ prodotti jew ta’ servizzi tiegħu jużaw is-sit web tiegħu sabiex jiddistribwixxu l-prodotti jew is-servizzi, iżda ma jippermettix li s-sit web jintuża sabiex jiġu offruti marki kompetituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi u li ma jkunx attiv b’xi mod ieħor fis-suq rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online fir-rigward ta’ tali prodotti jew servizzi.

4.5.   Ir-relazzjoni ma’ regolamenti oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

(110)

Kif spjegat fit-Taqsimiet 4.1. u 4.2., ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali li jridu jiġu vvalutati esklużivament skont ir-Regolament (UE) 2022/720 u dawn il-Linji Gwida, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor f’dawn il-Linji Gwida. Akkordji bħal dawn jistgħu jibbenefikaw mill-isfera ta’ sikurezza stabbilita mir-Regolament (UE) 2022/720.

(111)

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) 2022/720, ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali meta s-suġġett tagħhom ikun jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’tali regolament”. Għalhekk, huwa importanti li jiġi vverifikat mill-bidu jekk akkordju vertikali jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi regolament ieħor ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(112)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax għal akkordji vertikali koperti mir-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li ġejjin jew minn kwalunkwe regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija futur relatat mat-tipi ta’ akkordji msemmijin f’dan il-paragrafu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-regolament rispettiv:

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014;

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 (75);

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 (76).

(113)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 lanqas ma japplika għat-tipi ta’ akkordji bejn il-kompetituri msemmijin fil-Linji Gwida Orizzontali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-Linji Gwida Orizzontali.

(114)

Ir-Regolament (UE) 2022/720 japplika għal akkordji vertikali relatati max-xiri, mal-bejgħ jew mal-bejgħ mill-ġdid ta’ spare parts għal vetturi bil-mutur u għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni għal vetturi bil-mutur. Tali akkordji jibbenefikaw biss mill-isfera ta’ sikurezza maħluqa mir-Regolament (UE) 2022/720 jekk, minbarra l-kundizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/720, jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 (77) u mal-linji gwida ta’ akkumpanjament tiegħu.

4.6.   Tipi speċifiċi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni

(115)

Fornitur huwa liberu li jorganizza d-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu kif iqis xieraq. Il-fornitur jista’, pereżempju, jagħżel l-integrazzjoni vertikali, jiġifieri li jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tiegħu direttament lill-utenti finali jew li jiddistribwihom permezz tad-distributuri integrati vertikalment tiegħu, li huma impriżi konnessi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2022/720. Dan it-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jinvolvi impriża waħda u għalhekk jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(116)

Il-fornitur jista’ jiddeċiedi wkoll li juża distributuri indipendenti. Għal dan l-għan, il-fornitur jista’ jistabbilixxi sistema ta’ distribuzzjoni ta’ tip wieħed jew aktar. Ċerti tipi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, jiġifieri distribuzzjoni selettiva u distribuzzjoni esklużiva, huma s-suġġett ta’ definizzjonijiet speċifiċi fl-Artikolu 1(1), il-punti (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2022/720. Fit-Taqsimiet 4.6.1 u 4.6.2 rispettivament (78) tingħata gwida dwar id-distribuzzjoni esklużiva u d-distribuzzjoni selettiva. Il-fornitur jista’ wkoll jiddistribwixxi l-prodotti u s-servizzi tiegħu mingħajr ma juża la d-distribuzzjoni selettiva u lanqas id-distribuzzjoni esklużiva. Dawn it-tipi l-oħra ta’ distribuzzjoni huma klassifikati bħala sistemi ta’ distribuzzjoni libera bl-għan li japplikaw ir-Regolament (79).

4.6.1.   Sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva

4.6.1.1.   Definizzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva

(117)

F’sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2022/720, il-fornitur jalloka territorju jew grupp ta’ klijenti esklużivament lil xerrej wieħed jew lil numru limitat ta’ xerrejja, filwaqt li jirrestrinġi lix-xerrejja l-oħrajn kollha tiegħu fl-Unjoni milli jbigħu b’mod attiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti (80).

(118)

Il-fornituri spiss jużaw sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva sabiex jinċentivaw lid-distributuri jagħmlu l-investimenti finanzjarji u mhux finanzjarji meħtieġa sabiex jiżviluppaw il-marka tal-fornitur f’territorju meta l-marka ma tkunx magħrufa ħafna, jew sabiex ibigħu prodott ġdid f’territorju partikolari jew lil grupp ta’ klijenti partikolari, jew sabiex jiċentivaw lid-distributuri jiffokaw l-attivitajiet ta’ bejgħ u ta’ promozzjoni tagħhom fuq prodott partikolari. Għad-distributuri, il-protezzjoni pprovduta b’esklużività tista’ tippermettilhom jiżguraw ċertu volum ta’ negozju u marġni li jiġġustifika l-isforzi ta’ investiment tagħhom.

4.6.1.2.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva

(119)

F’sistema ta’ distribuzzjoni li fiha l-fornitur jalloka esklużivament territorju jew grupp ta’ klijenti lil xerrej wieħed jew aktar, ir-riskji ewlenin possibbli għall-kompetizzjoni huma l-kompartimentalizzazzjoni tas-suq, li tista’ tiffaċilita d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet, u t-tnaqqis fil-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. Meta l-biċċa l-kbira tal-aktar fornituri b’saħħithom attivi f’suq, jew kollha kemm huma, joperaw sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, din tista’ tnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-marki u/jew tiffaċilita l-kollużjoni, kemm fil-livell tal-fornituri kif ukoll fil-livell tad-distributuri. Fl-aħħar nett, distribuzzjoni esklużiva tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn u, b’hekk, tnaqqas il-kompetizzjoni kemm bejn il-marki kif ukoll fi ħdan il-marka fil-livell tad-distributuri.

(120)

L-akkordji ta’ distribuzzjoni esklużiva jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, dment li s-sehem mis-suq tal-fornitur u tax-xerrej ma jaqbiżx it-30 %, l-akkordju ma jkunx fih restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720, u n-numru ta’ distributuri maħturin għal kull territorju jew grupp ta’ klijenti esklużiv ma jkunx akbar minn ħamsa. Akkordju ta’ distribuzzjoni esklużiva xorta jista’ jibbenefika mill-isfera ta’ sikurezza prevista mir-Regolament (UE) 2022/720 jekk ikun kombinat ma’ restrizzjonijiet vertikali mhux fundamentali oħrajn, bħal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni limitat għal ħames snin, obbligu ta’ kwantità jew xiri esklużiv.

(121)

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 hija limitata għal massimu ta’ ħames distributuri għal kull territorju esklużiv jew grupp esklużiv ta’ klijenti sabiex tippreserva l-inċentiv tad-distributuri biex jinvestu fil-promozzjoni u fil-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi tal-fornitur, filwaqt li tipprovdi lill-fornitur bi flessibbiltà suffiċjenti sabiex jorganizza s-sistema ta’ distribuzzjoni tiegħu. Lil hinn minn dak in-numru, hemm riskju akbar li d-distributuri esklużivi jistgħu jwettqu parassitiżmu fuq l-investimenti ta’ xulxin, u b’hekk jeliminaw l-effiċjenza li d-distribuzzjoni esklużiva hija maħsuba li tikseb.

(122)

Sabiex is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, id-distributuri maħtura jeħtiġilhom ikunu protetti minn bejgħ attiv fit-territorju esklużiv jew mill-grupp esklużiv ta’ klijenti mix-xerrejja kollha l-oħrajn tal-fornitur. Meta fornitur jaħtar aktar minn distributur wieħed għal territorju esklużiv jew għal grupp esklużiv ta’ klijenti, dawn id-distributuri kollha jeħtiġilhom ikunu protetti bl-istess mod minn bejgħ attiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti mix-xerrejja l-oħrajn kollha tal-fornitur, iżda l-bejgħ attiv u passiv minn dawn id-distributuri fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti ma jistax jiġi ristrett. Meta, għal raġunijiet prattiċi u mhux bl-għan ta’ prevenzjoni tal-kummerċ parallel, it-territorju esklużiv jew il-grupp esklużiv ta’ klijenti ma jkunx protett minn bejgħ attiv minn ċerti xerrejja għal perjodu temporanju, pereżempju meta l-fornitur jimmodifika s-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u jeħtieġ iż-żmien sabiex jinnegozja mill-ġdid ir-restrizzjonijiet attivi fuq il-bejgħ ma’ ċerti xerrejja, is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva xorta tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(123)

L-akkordji vertikali użati għad-distribuzzjoni esklużiva għandhom jiddefinixxu l-ambitu tat-territorju jew tal-grupp ta’ klijenti li jiġi allokat esklużivament lid-distributuri. Pereżempju, it-territorju esklużiv jista’ jikkorrispondi għat-territorju ta’ Stat Membru jew għal żona akbar jew iżgħar. Grupp esklużiv ta’ klijenti jista’ jiġi ddefinit, pereżempju, billi jintuża kriterju wieħed jew aktar, bħall-okkupazzjoni jew l-attività tal-klijenti jew billi tintuża lista ta’ klijenti identifikati. Skont il-kriterji użati, il-grupp ta’ klijenti jista’ jkun limitat għal klijent wieħed.

(124)

Meta territorju jew grupp ta’ klijenti jkun għadu ma ġiex allokat esklużivament lil distributur wieħed jew aktar, il-fornitur jista’ jirriżerva tali territorju jew grupp ta’ klijenti għalih stess, f’liema każ jeħtieġlu jinforma lid-distributuri kollha l-oħrajn tiegħu. Dan ma jirrikjedix li l-fornitur ikun kummerċjalment attiv fit-territorju riżervat jew fir-rigward tal-grupp riżervat ta’ klijenti. Pereżempju, il-fornitur jista’ jkun jixtieq jirriżerva t-territorju jew il-grupp ta’ klijenti għall-fini li jallokah lil distributuri oħrajn fil-futur.

4.6.1.3.   Gwida dwar il-valutazzjoni individwali tal-akkordji ta’ distribuzzjoni esklużiva

(125)

Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, il-pożizzjoni tas-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu hija ta’ importanza kbira, peress li telf ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-marka jkun problematiku biss jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tkun limitata fil-livell tal-fornituri jew tad-distributuri (81). Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-fornitur, notevolment ogħla mil-limitu ta’ 30 %, aktar tkun għolja l-probabbiltà li l-kompetizzjoni bejn il-marki tkun dgħajfa u aktar ikun kbir ir-riskju għall-kompetizzjoni li jirriżulta minn kwalunkwe tnaqqis fil-kompetizzjoni fi ħdan il-marka.

(126)

Il-pożizzjoni tal-kompetituri tal-fornitur jista’ jkollha sinifikat doppju. L-eżistenza ta’ kompetituri b’saħħithom ġeneralment tindika li kwalunkwe tnaqqis fil-kompetizzjoni fi ħdan il-marka jkun megħlub minn kompetizzjoni suffiċjenti bejn il-marki. Madankollu, jekk in-numru ta’ fornituri f’suq ikun pjuttost limitat u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun pjuttost simili f’termini ta’ sehem mis-suq, ta’ kapaċità u ta’ network tad-distribuzzjoni, hemm riskju ta’ kollużjoni u/jew ta’ tnaqqis ta’ kompetizzjoni. It-telf ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-marka jista’ jżid dak ir-riskju, speċjalment meta diversi fornituri jħaddmu sistemi ta’ distribuzzjoni simili.

(127)

Distribuzzjoni esklużiva multipla, jiġifieri meta fornituri multipli jaħtru l-istess distributur(i) esklużiv(i) f’territorju partikolari, tista’ tkompli żżid ir-riskju ta’ kollużjoni u/jew ta’ tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-livell tal-fornituri u tad-distributuri. Jekk distributur wieħed jew aktar jingħataw id-dritt esklużiv li jiddistribwixxu żewġ prodotti kompetituri jew aktar fl-istess territorju, il-kompetizzjoni bejn il-marki tista’ tiġi ristretta sostanzjalment għal dawk il-marki. Aktar ma jkun għoli s-sehem mis-suq kumulattiv tal-marki distribwiti mid-distributuri esklużivi ta’ marki multipli, aktar ikun għoli r-riskju ta’ kollużjoni u/jew ta’ tnaqqis tal-kompetizzjoni u aktar titnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-marki. Jekk bejjiegħ bl-imnut wieħed jew aktar ikunu distributuri esklużivi għal numru ta’ marki, hemm riskju li tnaqqis tal-prezz bl-ingrossa minn fornitur wieħed għall-marka tiegħu ma jiġix ittrasferit mill-bejjiegħa bl-imnut esklużivi lill-konsumatur, billi dan ikun inaqqas il-bejgħ u l-profitti li jagħmlu l-bejjiegħa bl-imnut bil-marki l-oħrajn. Meta mqabbla ma’ sitwazzjoni mingħajr distribuzzjoni esklużiva multipla, il-fornituri jkollhom anqas inċentiv li jidħlu f’kompetizzjoni fil-prezz ma’ xulxin. Meta l-ishma mis-suq tal-fornituri u tax-xerrejja individwali jkunu taħt il-limitu ta’ 30 %, tali effetti kumulattivi jistgħu jkunu raġuni sabiex jiġi rtirat il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720.

(128)

L-ostakli għad-dħul li jistgħu jfixklu lill-fornituri milli joħolqu n-network ta’ distribuzzjoni integrat tagħhom jew milli jsibu distributuri alternattivi huma anqas importanti fil-valutazzjoni tal-effetti antikompetittivi possibbli ta’ distribuzzjoni esklużiva. L-esklużjoni mis-suq ta’ fornituri oħrajn ma tinħoloqx, dment li d-distribuzzjoni esklużiva ma tkunx ikkombinata ma’ marka unika, li tobbliga jew iġġiegħel lid-distributur jikkonċentra l-ordnijiet tiegħu għal tip partikolari ta’ prodott ma’ fornitur wieħed. Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva u ta’ marka unika tista’ tagħmilha aktar diffiċli għal fornituri oħrajn sabiex isibu distributuri alternattivi, b’mod partikolari meta tiġi applikata marka unika għal network dens ta’ distributuri esklużivi b’territorji żgħar jew fil-każ ta’ effett antikompetittiv kumulattiv. F’xenarju bħal dan, għandhom jiġu applikati l-prinċipji dwar marka unika stabbiliti fit-Taqsima 8.2.1.

(129)

Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva max-xiri esklużiv, li tirrikjedi li d-distributuri esklużivi jixtru l-marka tal-fornitur direttament mill-fornitur, iżżid ir-riskji ta’ kompetizzjoni mnaqqsa bejn il-marki u ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-suq. Id-distribuzzjoni esklużiva diġà tillimita l-arbitraġġ mill-klijenti, peress li tillimita n-numru ta’ distributuri għal kull territorju esklużiv u timplika li l-ebda distributur ieħor ma jista’ jbigħ b’mod attiv f’dak it-territorju. Ix-xiri esklużiv jelimina wkoll l-arbitraġġ possibbli mid-distributuri esklużivi, li ma jitħallewx jixtru mingħand distributuri oħrajn fis-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva. Dan iżid il-possibbiltà li l-fornitur jillimita l-kompetizzjoni fi ħdan il-marka filwaqt li japplika kundizzjonijiet ta’ bejgħ mhux simili għad-detriment tal-konsumaturi, sakemm il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva max-xiri esklużiv ma tiġġenerax effiċjenzi li jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

(130)

L-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn ma tkunx problematika meta l-fornitur li jħaddem is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva jaħtar numru kbir ta’ distributuri esklużivi fl-istess suq rilevanti u dawk id-distributuri esklużivi ma jkunux ristretti milli jbigħu lil distributuri mhux maħturin oħrajn. Madankollu, l-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn tista’ tkun problematika meta jkun hemm saħħa fis-suq downstream, b’mod partikolari fil-każ ta’ territorji kbar ħafna li fihom distributur esklużiv isir ix-xerrej esklużiv għal suq sħiħ. Eżempju tkun katina ta’ supermarkets li ssir l-uniku distributur ta’ marka ewlenija f’suq nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel. L-esklużjoni ta’ distributuri oħrajn tista’ tkun aggravata fil-każ ta’ distribuzzjoni esklużiva multipla.

(131)

Is-saħħa tax-xerrej tista’ żżid ukoll ir-riskju ta’ kollużjoni min-naħa tax-xerrejja meta jiġu imposti arranġamenti ta’ distribuzzjoni esklużiva minn xerrejja importanti, li possibbilment jinsabu f’territorji differenti, fuq fornitur wieħed jew diversi.

(132)

Il-valutazzjoni tad-dinamika tas-suq hija importanti, billi ż-żieda fid-domanda, it-teknoloġiji li jinbidlu u l-pożizzjonijiet tas-suq li jinbidlu jistgħu jagħmlu l-effetti negattivi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva anqas probabbli milli fi swieq maturi.

(133)

In-natura tal-prodott tista’ tkun rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-effetti antikompettitivi possibbli tad-distribuzzjoni esklużiva. Dawk l-effetti se jkunu anqas akuti f’setturi li fihom il-bejgħ online huwa aktar prevalenti, peress li l-bejgħ online jista’ jiffaċilita x-xiri mid-distributuri lil hinn mit-territorju esklużiv jew mill-grupp esklużiv ta’ klijenti.

(134)

Il-livell ta’ kummerċ huwa importanti, minħabba li l-effetti negattivi possibbli jistgħu jvarjaw bejn il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa u dak tal-bejgħ bl-imnut. Id-distribuzzjoni esklużiva hija prinċipalment applikata fid-distribuzzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi finali. Telf ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-marka huwa partikolarment probabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut meta t-territorji esklużivi jkunu kbar, peress li, f’dak il-każ, il-konsumaturi ftit li xejn jista’ jkollhom possibbiltà li jagħżlu bejn distributur bi prezz għoli/servizz għoli u distributur bi prezz baxx/servizz baxx għal marka importanti.

(135)

Manifattur li jagħżel bejjiegħ bl-ingrossa bħala d-distributur esklużiv tiegħu normalment jagħmel dan għal territorju akbar, bħal Stat Membru sħiħ. Dment li l-bejjiegħ bl-ingrossa jkun jista’ jbigħ il-prodotti mingħajr limitazzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut downstream, ma huwiex probabbli li jkun hemm effetti antikompetittivi sinifikanti. Telf possibbli ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-marka fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa jista’ jingħeleb faċilment mill-effiċjenzi miksubin fil-loġistika u fil-promozzjoni, speċjalment meta l-manifattur ikun ibbażat fi Stat Membru differenti. Madankollu, distribuzzjoni esklużiva multipla toħloq riskji akbar għall-kompetizzjoni bejn il-marki fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa milli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Meta bejjiegħ bl-ingrossa wieħed isir id-distributur esklużiv għal numru sinifikanti ta’ fornituri, mhux biss ikun hemm riskju li titnaqqas il-kompetizzjoni bejn dawn il-marki, iżda wkoll li jogħla r-riskju ta’ esklużjoni fil-livell tal-kummerċ bl-ingrossa.

(136)

Madankollu, sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat tista’ toħloq effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Pereżempju, l-esklużività tista’ tkun neċessarja sabiex id-distributuri jiġu inċentivati jinvestu fl-iżvilupp tal-marka tal-fornitur jew fil-forniment ta’ servizzi li jsaħħu d-domanda. Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, aktar ma jkun għoli n-numru ta’ distributuri esklużivi maħturin għal territorju partikolari, aktar tkun baxxa l-probabbiltà li jkollhom biżżejjed inċentivi sabiex jinvestu fil-promozzjoni tal-prodotti tal-fornitur u fl-iżvilupp tal-marka tiegħu, peress li d-distributuri esklużivi l-oħrajn li jikkondividu t-territorju jistgħu jipprattikaw il-parassitiżmu fuq l-isforzi ta’ investiment tagħhom.

(137)

In-natura tal-prodott hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-effiċjenzi. Effiċjenzi oġġettivi huma aktar probabbli fil-każ ta’ prodotti ġodda, ta’ prodotti kumplessi u ta’ prodotti li l-kwalitajiet tagħhom ikunu diffiċli li jiġu ġġudikati qabel il-konsum (l-hekk imsejħin prodotti ta’ esperjenza) jew saħansitra wara l-konsum (l-hekk imsejħin prodotti ta’ fiduċja). Barra minn hekk, distribuzzjoni esklużiva tista’ twassal għal iffrankar fl-ispejjeż loġistiċi minħabba l-ekonomiji ta’ skala fit-trasport u fid-distribuzzjoni. Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni esklużiva u ta’ marka unika tista’ żżid l-inċentivi għad-distributur(i) esklużiv(i) sabiex jiffoka(w) l-isforzi tiegħu/tagħhom fuq marka partikolari.

(138)

Il-fatturi msemmijin fil-paragrafi (125) sa (137) jibqgħu rilevanti għall-valutazzjoni tas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva li taħthom il-fornitur jalloka grupp ta’ klijenti esklużivament lil xerrej wieħed jew aktar. Għall-valutazzjoni ta’ dan it-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, għandhom jitqiesu wkoll il-fatturi addizzjonali elenkati fil-paragrafi (139) u (140).

(139)

B’mod simili għall-allokazzjoni esklużiva ta’ territorju, l-allokazzjoni esklużiva ta’ grupp ta’ klijenti ġeneralment tagħmel l-arbitraġġ mill-klijenti aktar diffiċli. Barra minn hekk, billi kull distributur maħtur għandu l-grupp ta’ klijenti tiegħu stess, ix-xerrejja li ma jaqgħux fi ħdan kwalunkwe grupp bħal dan jistgħu jsibuha diffiċli li jiksbu l-prodotti tal-fornitur. Konsegwentement, jonqos l-ambitu għall-arbitraġġ minn dawn ix-xerrejja.

(140)

Minbarra t-tipi ta’ effiċjenza msemmijin fil-paragrafu (136), l-allokazzjoni esklużiva tal-klijenti tista’ tiġġenera effiċjenzi meta jkun neċessarju għad-distributuri li jinvestu f’tagħmir, f’ħiliet jew f’għarfien espert speċifiċi sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kategorija partikolari ta’ klijenti, jew meta investimenti bħal dawn iwasslu għal ekonomiji ta’ skala jew għal ambitu fil-loġistika (82). Il-perjodu ta’ deprezzament għal dawk l-investimenti huwa indikazzjoni tat-tul ta’ żmien li waqtu tista’ tiġi ġġustifikata l-allokazzjoni esklużiva tal-klijenti. B’mod ġenerali, il-ġustifikazzjoni għall-allokazzjoni esklużiva ta’ klijenti tkun l-aktar b’saħħitha għal prodotti ġodda jew kumplessi u għal prodotti li jeħtieġu adattament għall-ħtiġijiet tal-klijent partikolari. Ħtiġijiet differenzjati identifikabbli huma aktar probabbli għal prodotti intermedji, jiġifieri prodotti li jinbiegħu lil diversi tipi ta’ xerrejja professjonali. B’kuntrast ma’ dan, l-allokazzjoni tal-konsumaturi x’aktarx li ma twassalx għal effiċjenzi.

(141)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ distribuzzjoni esklużiva multipla f’suq oligopolistiku:

F’suq nazzjonali għal prodott finali, hemm erba’ mexxejja tas-suq, li kull wieħed għandu sehem mis-suq ta’ madwar 20 %. Dawk l-erba’ mexxejja tas-suq ibigħu l-prodott tagħhom permezz ta’ distributuri esklużivi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Il-bejjiegħa bl-imnut jingħataw territorju esklużiv li jikkorrispondi għall-belt, jew għal distrett tal-belt, li jinsabu fiha. Fil-biċċa l-kbira tat-territorji, l-erba’ mexxejja tas-suq jaħtru l-istess bejjiegħ bl-imnut esklużiv (“distribuzzjoni multipla”), li ħafna drabi jkun lokalizzat ċentralment u pjuttost speċjalizzat fil-prodott rilevanti. L-20 % li jifdal tas-suq nazzjonali huwa magħmul minn produtturi lokali żgħar, bl-akbar minn fost dawk il-produtturi li għandu sehem mis-suq ta’ 5 % fis-suq nazzjonali. Dawk il-produtturi lokali ġeneralment ibigħu l-prodotti tagħhom permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut oħrajn, primarjament minħabba li d-distributuri esklużivi tal-akbar erba’ fornituri ġeneralment ftit li xejn juru interess li jbigħu marki anqas magħrufin u orħos. Hemm differenzjazzjoni qawwija tal-markar u tal-prodotti fis-suq. L-erba’ mexxejja tas-suq għandhom kampanji pubbliċitarji nazzjonali kbar u immaġnijiet ta’ marki qawwija, filwaqt li l-produtturi periferali ma jirreklamawx il-prodotti tagħhom fil-livell nazzjonali. Is-suq huwa pjuttost matur, b’domanda stabbli u l-ebda innovazzjoni maġġuri fil-prodott u fit-teknoloġija. Il-prodott huwa relattivament sempliċi.

F’suq oligopolistiku bħal dan, hemm riskju ta’ kollużjoni bejn l-erba’ mexxejja tas-suq. Dak ir-riskju jiżdied permezz ta’ distribuzzjoni multipla. Il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka hija limitata mill-esklużività territorjali. Il-kompetizzjoni bejn l-erba’ marki ewlenin titnaqqas fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, minħabba li bejjiegħ bl-imnut wieħed jiffissa l-prezz tal-erba’ marki kollha f’kull territorju. Id-distribuzzjoni multipla timplika li, jekk produttur wieħed inaqqas il-prezz għall-marka tiegħu, il-bejjiegħ bl-imnut ma jkunx ħerqan li jittrażmetti dak it-tnaqqis fil-prezz lill-konsumatur, minħabba li jkun inaqqas il-bejgħ u l-profitti li jagħmel bil-marki l-oħrajn. B’hekk, il-produtturi għandhom anqas interess li jidħlu f’kompetizzjoni fil-prezz ma’ xulxin. Il-kompetizzjoni fil-prezz bejn il-marki teżisti prinċipalment bejn prodotti b’immaġni baxxa tal-marka tal-produtturi periferali. L-argumenti ta’ effiċjenza possibbli għal distributuri esklużivi (konġunti) huma limitati, billi l-prodott huwa relattivament sempliċi, il-bejgħ mill-ġdid ma jeħtieġ l-ebda investiment speċifiku jew it-taħriġ u r-reklamar jitwettqu prinċipalment fil-livell tal-produtturi.

Minkejja li kull wieħed mill-mexxejja tas-suq għandu sehem mis-suq taħt il-limitu, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jistgħu ma jiġux issodisfati u l-irtirar tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jkun neċessarju għall-akkordji konklużi mad-distributuri li s-sehem mis-suq tagħhom ikun taħt it-30 % tas-suq tal-akkwist.

(142)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ allokazzjoni esklużiva tal-klijenti:

Impriża żviluppat installazzjoni ta’ bexxiexa sofistikata. Bħalissa l-impriża għandha sehem mis-suq ta’ 40 % fis-suq tal-installazzjonijiet ta’ bexxiexa. Meta bdiet tbigħ il-bexxiexa sofistikata, hija kellha sehem mis-suq ta’ 20 % bi prodott eqdem. L-installazzjoni tat-tip ġdid ta’ bexxiexa tiddependi fuq it-tip ta’ bini fejn tkun installata u fuq l-użu tal-bini (pereżempju uffiċċju, impjant kimiku jew sptar). Il-kumpanija ħatret numru ta’ distributuri sabiex ibigħu u jinstallaw il-bexxiexa sofistikata. Kull distributur kellu bżonn iħarreġ lill-impjegati tiegħu għar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi tal-installazzjoni tal-bexxiexa sofistikata għal klassi partikolari ta’ klijenti. Sabiex jiġi żgurat li d-distributuri jispeċjalizzaw, l-impriża assenjat klassi esklużiva ta’ klijenti lil kull distributur u pprojbiet bejgħ attiv lill-klassijiet esklużivi ta’ klijenti tal-oħrajn. Wara ħames snin, id-distributuri esklużivi kollha se jkunu jistgħu jbigħu b’mod attiv lill-klassijiet kollha ta’ klijenti, sabiex b’hekk tintemm is-sistema ta’ allokazzjoni esklużiva tal-klijenti. Imbagħad, il-fornitur jista’ jibda jbigħ ukoll lil distributuri ġodda. Is-suq huwa pjuttost dinamiku, b’żewġ entrati reċenti u numru ta’ żviluppi teknoloġiċi. Il-kompetituri għandhom ishma mis-suq ta’ bejn 5 % u 25 % u qegħdin ukoll jaġġornaw il-prodotti tagħhom.

Billi l-esklużività għandha tul ta’ żmien limitat u tgħin sabiex tiżgura li d-distributuri jistgħu jirkupraw l-investimenti tagħhom u jikkonċentraw l-isforzi tal-bejgħ inizjali tagħhom fuq ċerta klassi ta’ klijenti sabiex jitgħallmu s-sengħa, u billi l-effetti antikompettitivi possibbli jidhru limitati f’suq dinamiku, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat x’aktarx jiġu ssodisfati.

4.6.2.   Sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva

4.6.2.1.   Definizzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva

(143)

F’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, kif definita fl-Artikolu 1(1), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2022/720, il-fornitur jimpenja ruħu li jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżulin fuq il-bażi ta’ kriterji speċifikati biss. Dawk id-distributuri jimpenjaw ruħhom li ma jbigħux tali prodotti jew servizzi lil distributuri mhux awtorizzati fit-territorju riżervat mill-fornitur sabiex jopera s-sistema.

(144)

Il-kriterji użati mill-fornitur sabiex jagħżel id-distributuri jistgħu jkunu kwalitattivi jew kwantitattivi, jew it-tnejn. Il-kriterji kwantitattivi jillimitaw in-numru ta’ distributuri direttament billi, pereżempju, jimponu numru fiss ta’ distributuri. Il-kriterji kwalitattivi jillimitaw in-numru ta’ distributuri indirettament, billi jimponu kundizzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssodisfati mid-distributuri kollha, pereżempju, relatati mal-firxa ta’ prodotti li jridu jinbiegħu, mat-taħriġ tal-persunal tal-bejgħ, mas-servizz li jrid jiġi pprovdut fil-punt tal-bejgħ jew mar-reklamar u mal-preżentazzjoni tal-prodotti. Il-kriterji kwalitattivi jistgħu jirreferu għall-kisba tal-objettivi ta’ sostenibbiltà, bħat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent jew il-limitazzjoni tal-użu tar-riżorsi naturali. Pereżempju, il-fornituri jistgħu jitolbu lid-distributuri jipprovdu servizzi ta’ rriċarġjar jew faċilitajiet ta’ riċiklaġġ fil-ħwienet tagħhom jew jiżguraw li l-prodotti jiġu kkonsenjati permezz ta’ mezzi sostenibbli, bħal rota tal-ġarr tal-merkanzija minflok vettura bil-mutur.

(145)

Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma komparabbli mas-sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva minħabba li jirrestrinġu n-numru ta’ distributuri awtorizzati u l-possibbiltajiet ta’ bejgħ mill-ġdid. Id-differenza ewlenija bejn iż-żewġ tipi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tinsab fin-natura tal-protezzjoni mogħtija lid-distributur. F’sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, id-distributur huwa protett kontra bejgħ attiv minn barra t-territorju esklużiv tiegħu, filwaqt li f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, id-distributur huwa protett kontra bejgħ attiv u passiv minn distributuri mhux awtorizzati.

4.6.2.2.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva

(146)

Ir-riskji possibbli għall-kompetizzjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jinkludu tnaqqis fil-kompetizzjoni fi ħdan il-marka u, speċjalment fil-każ ta’ effett kumulattiv, l-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ distributuri, kif ukoll it-tnaqqis tal-kompetizzjoni u il-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni bejn il-fornituri jew ix-xerrejja, minħabba l-limitazzjoni tan-numru ta’ xerrejja.

(147)

Sabiex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva mal-Artikolu 101 tat-Trattat, l-ewwel huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk is-sistema taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1). Għal dak l-għan, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva u distribuzzjoni selettiva kwantitattiva.

(148)

Distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat dment li jiġu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Metro (83) (“il-kriterji Metro”). Dan għaliex, jekk jiġu ssodisfati dawn il-kriterji, jista’ jiġi preżunt li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan il-marka assoċjata ma’ distribuzzjoni selettiva tiġi kkumpensata minn titjib fil-kompetizzjoni tal-kwalità bejn il-marki (84).

(149)

It-tliet kriterji Metro jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: l-ewwel nett, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni trid teħtieġ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Dan ifisser li, wara li titqies in-natura tal-prodott ikkonċernat, tali sistema trid tikkostitwixxi rekwiżit leġittimu sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tiegħu u jiġi żgurat l-użu xieraq tiegħu. Pereżempju, l-użu ta’ distribuzzjoni selettiva jista’ jkun leġittimu għal prodotti ta’ kwalità għolja jew ta’ teknoloġija għolja (85) jew għal prodotti ta’ lussu (86). Il-kwalità ta’ tali prodotti tista’ tirriżulta mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mill-awra ta’ lussu madwarhom. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tfittex li tiżgura li l-prodotti jintwerew b’mod li jikkontribwixxi għas-sostenn ta’ dik l-awra ta’ lussu jista’ jkun neċessarju sabiex tiġi ppreservata l-kwalità tagħhom (87). It-tieni, ir-rivendituri jeħtiġilhom jintgħażlu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, li huma stabbiliti b’mod uniformi għar-rivendituri potenzjali kollha u li ma humiex applikati b’mod diskriminatorju. It-tielet, il-kriterji stabbiliti ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li jkun neċessarju (88).

(150)

Il-valutazzjoni ta’ jekk il-kriterji Metro humiex issodisfati teħtieġ mhux biss valutazzjoni ġenerali tal-akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni, iżda wkoll analiżi separata ta’ kull klawżola potenzjalment restrittiva tal-akkordju (89). Dan jimplika, b’mod partikolari, li jiġi vvalutat jekk il-klawżola restrittiva inkwistjoni tkunx proporzjonata fid-dawl tal-objettiv segwit mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u jekk il-klawżola tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv (90). Ir-restrizzjonijiet fundamentali ma jissodisfawx dan it-test tal-proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, pereżempju, jista’ jkun proporzjonat għal fornitur ta’ prodotti ta’ lussu li jipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati tiegħu milli jużaw swieq online, dment li dan ma jipprevjenix indirettament l-użu effettiv tal-internet mid-distributur awtorizzat sabiex ibigħ il-prodotti f’territorji jew lil klijenti partikolari (91). B’mod partikolari, tali projbizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online ma tirrestrinġix il-bejgħ f’territorji jew lil klijenti partikolari meta d-distributur awtorizzat jibqa’ liberu jopera l-ħanut online tiegħu stess u jirreklama online sabiex iżid l-għarfien dwar l-attivitajiet online tiegħu u jattira klijenti potenzjali (92). F’dak il-każ, il-klawżola restrittiva, jekk tkun proporzjonata, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u ma tkun meħtieġa l-ebda analiżi ulterjuri.

(151)

Irrispettivament minn jekk jissodisfawx il-kriterji Metro, l-akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva kwalitattivi u/jew kwantitattivi jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, dment li l-ishma mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tax-xerrej ma jaqbżux it-30 % u l-akkordju ma jkun fih l-ebda restrizzjoni fundamentali (93). Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ma jintilifx jekk id-distribuzzjoni selettiva tkun ikkombinata ma’ restrizzjonijiet vertikali mhux fundamentali oħrajn, bħal obbligi li ma ssirx kompetizzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2022/720. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika irrispettivament min-natura tal-prodott ikkonċernat u min-natura tal-kriterji tal-għażla. Barra minn hekk, il-fornitur ma huwiex obbligat jippubblika l-kriterji tal-għażla tiegħu (94).

(152)

Meta f’każ partikolari akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva li jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fil-livell tal-fornituri jew tad-distributuri u ma jiġġenerax effiċjenzi li jisbqu l-effetti tar-restrizzjoni, pereżempju minħabba li l-kriterji tal-għażla ma jkunux marbutin mal-karatteristiċi tal-prodott jew ma jkunux neċessarji sabiex tittejjeb id-distribuzzjoni tal-prodott, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jiġi rtirat.

4.6.2.3.   Gwida dwar il-valutazzjoni individwali ta’ akkordji ta’ distribuzzjoni selettiva

(153)

Lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu hija ta’ importanza ċentrali fil-valutazzjoni tal-effetti antikompettitivi possibbli, billi t-telf ta’ kompetizzjoni fi ħdan il-marka, fil-prinċipju, jista’ jkun problematiku biss jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tkun limitata (95). Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-fornitur, notevolment ’il fuq mil-limitu ta’ 30 %, aktar ikun għoli r-riskju għall-kompetizzjoni li jirriżulta mit-telf tal-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. Fattur importanti ieħor huwa n-numru ta’ networks ta’ distribuzzjoni selettiva preżenti fl-istess suq rilevanti. Meta d-distribuzzjoni selettiva tiġi applikata minn fornitur wieħed biss fis-suq, id-distribuzzjoni selettiva kwantitattiva ġeneralment ma twassalx għal effetti antikompetittivi. Madankollu, fil-prattika, id-distribuzzjoni selettiva ta’ spiss tiġi applikata minn bosta fornituri f’suq partikolari (effett kumulattiv).

(154)

Fil-każ ta’ effett kumulattiv, huwa neċessarju li titqies il-pożizzjoni tas-suq tal-fornituri li japplikaw distribuzzjoni selettiva: meta d-distribuzzjoni selettiva tintuża mill-maġġoranza tal-fornituri ewlenin f’suq, dan jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ distributuri, pereżempju, għal dawk li jiskontaw il-prezzijiet. Ir-riskju tal-esklużjoni ta’ distributuri aktar effiċjenti huwa akbar fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva milli għal distribuzzjoni esklużiva, minħabba li, taħt sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-bejgħ lid-distributuri mhux awtorizzati huwa ristrett. Din ir-restrizzjoni hija maħsuba biex tagħti lis-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva karattru magħluq li fih id-distributuri awtorizzati li jissodisfaw il-kriterji biss ikollhom aċċess għall-prodott, filwaqt li tagħmilha impossibbli għad-distributuri mhux awtorizzati li jiksbu l-provvisti. Għaldaqstant, distribuzzjoni selettiva hija partikolarment addattata sabiex tevita pressjoni minn dawk li jiskontaw il-prezzijiet (kemm jekk ikunu distributuri offline kif ukoll jekk ikunu distributuri purament online) fuq il-marġini tal-manifattur, kif ukoll fuq il-marġini tad-distributuri awtorizzati. L-esklużjoni ta’ tali formati ta’ distribuzzjoni, kemm jekk tirriżulta mill-użu kumulattiv ta’ distribuzzjoni selettiva kif ukoll jekk mill-użu tagħha minn fornitur wieħed b’sehem mis-suq li jaqbeż it-30 %, tnaqqas il-possibbiltajiet għall-konsumaturi li jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji speċifiċi offruti minn dawn il-formati ta’ distribuzzjoni, bħal prezzijiet aktar baxxi, aktar trasparenza u aċċess usa’ għall-prodott.

(155)

Meta networks individwali ta’ distribuzzjoni selettiva jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mir-Regolament (UE) 2022/720, l-irtirar tal-eżenzjoni ta’ kategorija jew id-diżapplikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 tista’ tiġi kkunsidrata meta t-tali networks joħolqu effetti antikompetittivi kumulattivi. Madankollu, tali effetti kumulattivi antikompetittivi ma jkunux probabbli meta s-sehem totali tas-suq kopert minn distribuzzjoni selettiva ma jaqbiżx il-50 %. Lanqas ma huwa probabbli li jitqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-kopertura tas-suq taqbeż il-50 %, iżda s-sehem mis-suq aggregat tal-akbar ħames fornituri ma jaqbiżx il-50 %. Meta kemm is-sehem tal-akbar ħames fornituri kif ukoll is-sehem mis-suq kopert minn distribuzzjoni selettiva jaqbżu l-50 %, il-valutazzjoni tista’ tvarja skont jekk l-akbar ħames fornituri kollha japplikawx distribuzzjoni selettiva jew le. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-kompetituri li ma japplikawx distribuzzjoni selettiva, anqas ikun probabbli li distributuri oħrajn jiġu esklużi. Jista’ jqum tħassib dwar il-kompetizzjoni meta l-akbar ħames fornituri lkoll japplikaw distribuzzjoni selettiva. Dan probabbilment ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-akkordji konklużi mill-akbar fornituri jkun fihom kriterji kwantitattivi tal-għażla li jillimitaw direttament l-għadd ta’ distributuri awtorizzati, jew meta l-kriterji kwalitattivi applikati jeskludu ċerti formati ta’ distribuzzjoni, bħal rekwiżit li jkun hemm ħanut fiżiku wieħed jew aktar jew li jiġu pprovduti servizzi speċifiċi li tipikament jistgħu jiġu pprovduti biss f’format ta’ distribuzzjoni partikolari.

(156)

B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat x’aktarx li ma jiġux issodisfati jekk is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva li jikkontribwixxu għall-effett kumulattiv jeskludu mis-suq distributuri ġodda li jkunu kapaċi jbigħu b’mod adegwat il-prodotti inkwistjoni, b’mod speċjali, dawk li jiskontaw il-prezzijiet jew id-distributuri online biss li joffru prezzijiet aktar baxxi lill-konsumaturi, u b’hekk jillimitaw id-distribuzzjoni, għall-vantaġġ ta’ ċerti kanali eżistenti u għad-detriment tal-konsumaturi finali. Forom aktar indiretti ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, li jirriżultaw pereżempju mill-kombinazzjoni ta’ kriterji tal-għażla purament kwalitattivi b’rekwiżit għad-distributuri sabiex jiksbu ammont minimu ta’ xirjiet annwali, huma anqas probabbli li jipproduċu effetti negattivi netti, b’mod partikolari jekk l-ammont minimu inkwistjoni ma jirrappreżentax proporzjon sinifikanti mill-fatturat totali tad-distributur mit-tip ta’ prodotti inkwistjoni u ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex il-fornitur jirkupra l-investiment speċifiku għar-relazzjoni tiegħu u/jew iwettaq ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni. Fornitur b’sehem mis-suq li ma jaqbiżx il-5 % ġeneralment ma jitqiesx li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv.

(157)

L-ostakoli għad-dħul huma prinċipalment rilevanti fil-każ ta’ esklużjoni ta’ distributuri mhux awtorizzati mis-suq. L-ostakoli għad-dħul jistgħu jkunu sinifikanti meta d-distribuzzjoni selettiva tiġi applikata mill-manifatturi ta’ prodotti tal-marka, minħabba li ġeneralment ikun hemm bżonn żmien u ta’ investiment konsiderevoli għad-distributuri esklużi mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex iniedu l-marki tagħhom stess jew jiksbu provvisti kompetittivi xi mkien ieħor.

(158)

Is-saħħa tax-xerrej tista’ żżid ir-riskju ta’ kollużjoni bejn id-distributuri. Id-distributuri li għandhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq jistgħu jwasslu lill-fornituri sabiex japplikaw kriterji tal-għażla li jeskludu l-aċċess għas-suq għal distributuri ġodda u aktar effiċjenti. Konsegwentement, is-saħħa tax-xerrej tista’ tbiddel b’mod sinifikanti l-analiżi tal-effetti antikompetittivi possibbli ta’ distribuzzjoni selettiva. L-esklużjoni mis-suq ta’ distributuri aktar effiċjenti tista’ tinħoloq meta organizzazzjoni ta’ distributuri b’saħħitha timponi kriterji tal-għażla fuq il-fornitur bl-għan li tillimita d-distribuzzjoni għall-vantaġġ tal-membri tagħha.

(159)

Skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2022/720, il-fornitur ma jistax jimponi obbligu li jwassal sabiex id-distributuri awtorizzati, direttament jew indirettament, ma jbigħux il-marki ta’ fornituri kompetituri partikolari. Din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex tiskoraġġixxi kollużjoni orizzontali sabiex teskludi marki partikolari permezz tal-ħolqien ta’ grupp selettiv ta’ marki mill-fornituri ewlenin. Ma huwiex probabbli li tali obbligu jkun jista’ jiġi eżentat meta s-sehem mis-suq kombinat tal-akbar ħames fornituri jkun ta’ 50 % jew aktar, sakemm l-ebda wieħed mill-fornituri li jimponu tali obbligu ma jkun jappartjeni għall-akbar ħames fornituri fis-suq.

(160)

Ġeneralment ma jqumx tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-esklużjoni mis-suq ta’ fornituri oħrajn, dment li fornituri oħrajn ma jitwaqqfux milli jużaw l-istess distributuri, bħalma jista’ jseħħ, pereżempju, meta d-distribuzzjoni selettiva tiġi kkombinata ma’ marka unika. Fil-każ ta’ network dens ta’ distributuri awtorizzati jew fil-każ ta’ effett kumulattiv, il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva u ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni tista’ toħloq riskju ta’ esklużjoni ta’ fornituri oħrajn. F’dak il-każ, tapplika l-gwida relatata ma’ marka unika stabbilita fit-taqsima 8.2.1. Meta d-distribuzzjoni selettiva ma tiġix ikkombinata ma’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, l-esklużjoni ta’ fornituri kompetituri mis-suq xorta tista’ tkun tħassib. Dan ikun il-każ meta l-fornituri ewlenin mhux biss japplikaw kriterji tal-għażla purament kwalitattivi, iżda wkoll jimponu fuq id-distributuri tagħhom ċerti obbligi addizzjonali, bħall-obbligu li jirriżervaw spazju minimu fuq l-ixkaffa għall-prodotti tal-fornitur jew l-obbligu li jiżguraw li l-bejgħ mid-distributur tal-prodotti tal-fornitur jilħaq sehem minimu tal-fatturat totali tad-distributur. Ma huwiex probabbli li tqum tali problema jekk is-sehem mis-suq kopert minn distribuzzjoni selettiva ma jaqbiżx il-50 % jew, meta jinqabeż dak il-proporzjon ta’ kopertura, jekk is-sehem mis-suq tal-akbar ħames fornituri ma jaqbiżx il-50 %.

(161)

Il-valutazzjoni tad-dinamika tas-suq hija importanti, billi ż-żieda fid-domanda, it-teknoloġiji li jinbidlu u l-pożizzjonijiet tas-suq li jinbidlu jistgħu jagħmlu l-effetti negattivi anqas probabbli milli fi swieq maturi.

(162)

Id-distribuzzjoni selettiva tista’ tkun effiċjenti meta twassal għal iffrankar tal-ispejjeż loġistiċi minħabba l-ekonomiji ta’ skala fit-trasport, li jista’ jseħħ irrispettivament min-natura tal-prodott (ara l-paragrafu (16), il-punt (g)). Madankollu, dan it-tip ta’ effiċjenza ġeneralment ikun biss marġinali f’sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. Sabiex jiġi vvalutat jekk id-distribuzzjoni selettiva hijiex ġustifikata sabiex tgħin biex tissolva problema ta’ parassitiżmu bejn id-distributuri (ara l-paragrafu (16), il-punt (b)) jew sabiex tgħin biex tinħoloq jew tinżamm immaġni ta’ marka (ara l-paragrafu (16), il-punt (h)), in-natura tal-prodott hija importanti. B’mod ġenerali, l-użu ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex jinkisbu dawk it-tipi ta’ effiċjenzi huwa aktar probabbli li jkun iġġustifikat għal prodotti ġodda, prodotti kumplessi jew prodotti li l-kwalitajiet tagħhom ikun diffiċli li jiġu ġġudikati qabel il-konsum (l-hekk imsejħa prodotti ta’ esperjenza) jew saħansitra wara l-konsum (l-hekk imsejħin prodotti ta’ fiduċja). Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ klawżola tal-lokalità, għall-fini ta’ protezzjoni ta’ distributur awtorizzat kontra l-kompetizzjoni minn distributuri awtorizzati oħrajn li jiftħu ħanut fil-viċinanza tiegħu, tista’ tissodisfa b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jekk il-kombinazzjoni tkun indispensabbli sabiex tipproteġi l-investimenti sostanzjali u speċifiċi għar-relazzjoni magħmulin mid-distributur awtorizzat (ara l-paragrafu (16), il-punt (e)). Sabiex jiġi żgurat li tintuża l-anqas restrizzjoni antikompetittiva, huwa rilevanti li jiġi vvalutat jekk l-istess effiċjenzi jistgħux jinkisbu bi spiża komparabbli permezz, pereżempju, tal-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ servizz biss.

(163)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva:

F’suq għal prodotti tal-konsum durabbli, il-manifattur tal-marka A, li huwa l-mexxej tas-suq b’sehem mis-suq ta’ 35 %, ibigħ il-prodott tiegħu lill-konsumaturi permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Hemm diversi kriterji għad-dħul fis-sistema: il-ħanut jeħtieġlu jimpjega persunal imħarreġ u jipprovdi servizzi ta’ qabel il-bejgħ; irid ikun hemm qasam speċjalizzat fil-ħanut dedikat għall-bejgħ tal-prodott u ta’ prodotti simili ta’ teknoloġija avvanzata; u l-ħanut huwa meħtieġ ibigħ firxa wiesgħa ta’ mudelli tal-fornitur u li jarahom b’mod attraenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ bejjiegħa bl-imnut ammissibbli fis-sistema huwa direttament limitat permezz tal-istabbiliment ta’ numru massimu ta’ bejjiegħa bl-imnut skont in-numru ta’ abitanti f’kull provinċja jew żona urbana. Il-manifattur A għandu sitt kompetituri f’dak is-suq. Il-manifatturi tal-marki B, Ċ u D huma l-akbar kompetituri tiegħu b’ishma mis-suq ta’ 25 %, ta’ 15 % u ta’ 10 %, rispettivament, filwaqt li manifatturi oħrajn għandhom ishma mis-suq iżgħar. A huwa l-uniku manifattur li juża distribuzzjoni selettiva. Id-distributuri selettivi tal-marka A dejjem jimmaniġġjaw ftit marki f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Madankollu, il-marki f’kompetizzjoni ma’ xulxin jinbiegħu wkoll b’mod wiesa’ fi ħwienet li ma humiex membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-manifattur tal-marka A. Hemm diversi kanali ta’ distribuzzjoni: pereżempju, il-marki B u Ċ jinbiegħu fil-biċċa l-kbira tal-ħwienet magħżulin ta’ A, iżda wkoll fi ħwienet oħrajn li jipprovdu servizz ta’ kwalità għolja u fl-ipermerkati. Il-marka D tinbiegħ prinċipalment fi ħwienet ta’ servizz għoli. It-teknoloġija qiegħda tevolvi b’mod mgħaġġel f’dan is-suq, u l-fornituri ewlenin iżommu immaġni ta’ kwalità b’saħħitha għall-prodotti tagħhom permezz tar-reklamar.

F’dan is-suq, il-proporzjon ta’ kopertura ta’ distribuzzjoni selettiva huwa ta’ 35 %. Il-kompetizzjoni bejn il-marki ma hijiex affettwata direttament mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ A. Il-kompetizzjoni f’marka għall-marka A tista’ titnaqqas, iżda l-konsumaturi għandhom aċċess għal bejjiegħa bl-imnut li joffru servizz u prezzijiet ta’ livell baxx għall-marki B u Ċ, li għandhom immaġni ta’ kwalità komparabbli għal dik tal-marka A. Barra minn hekk, l-aċċess għall-bejjiegħa bl-imnut li joffru servizz għoli għal marki oħrajn ma huwiex magħluq, minħabba li ma hemm l-ebda limitazzjoni fuq il-kapaċità tad-distributuri magħżula li jbigħu marki f’kompetizzjoni ma’ xulxin, u l-limitazzjoni kwantitattiva fuq in-numru ta’ distributuri għall-marka A tħalli lil bejjiegħa bl-imnut oħrajn li joffru servizz għoli liberi li jiddistribwixxu marki f’kompetizzjoni ma’ xulxin. F’dan il-każ, minħabba r-rekwiżiti tas-servizz u l-effiċjenzi li dawn x’aktarx jiġġeneraw u l-effett limitat fuq il-kompetizzjoni fi ħdan marka, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat x’aktarx li jiġu ssodisfati.

(164)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ distribuzzjoni selettiva b’effetti kumulattivi:

F’suq għal oġġett partikolari tal-isport, hemm seba’ manifatturi, li l-ishma mis-suq rispettivi tagħhom huma 25 %, 20 %, 15 %, 15 %, 10 %, 8 % u 7 %. L-akbar ħames manifatturi jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom permezz ta’ distribuzzjoni selettiva, filwaqt li l-iżgħar tnejn jużaw tipi differenti ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, li jirriżultaw fi proporzjon ta’ kopertura ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ 85 %. Il-kriterji għall-aċċess għas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva huma uniformi fost il-manifatturi: id-distributuri huma meħtieġa jkollhom ħanut fiżiku wieħed jew aktar; dawk il-ħwienet huma meħtieġa li jkollhom persunal imħarreġ u li jipprovdu servizzi ta’ qabel il-bejgħ; irid ikun hemm parti speċjalizzata fil-ħanut dedikata għall-bejgħ tal-prodott; u huwa speċifikat daqs minimu għal dik il-parti. Barra minn hekk, il-ħanut huwa meħtieġ ibigħ firxa wiesgħa tal-marka inkwistjoni u juri l-prodott b’mod attraenti; il-ħanut irid ikun jinsab fi triq kummerċjali, u dak it-tip ta’ prodott irid jirrappreżenta tal-anqas 30 % tal-fatturat totali tal-ħanut. B’mod ġenerali, l-istess distributur huwa awtorizzat għall-ħames marki kollha. Iż-żewġ manifatturi li ma jużawx distribuzzjoni selettiva normalment ibigħu permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut anqas speċjalizzati b’livelli ta’ servizz aktar baxxi. Is-suq huwa stabbli, kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, u hemm differenzjazzjoni qawwija tal-prodott, bl-immaġni tal-marka li hija importanti. Il-ħames mexxejja tas-suq għandhom immaġnijiet tal-marki qawwija miksuba permezz ta’ reklamar u permezz ta’ sponsorizzazzjoni, filwaqt li ż-żewġ manifatturi iżgħar għandhom strateġija ta’ prodotti orħos, mingħajr ebda immaġni tal-marka qawwija.

F’dan is-suq, l-aċċess għall-ħames marki ewlenin minn dawk li jiskontaw il-prezzijiet ġenerali u mid-distributuri purament online huwa mċaħħad. Dan għaliex ir-rekwiżit li l-prodott jirrappreżenta tal-anqas 30 % tal-attività tad-distributuri u l-kriterji dwar il-preżentazzjoni u s-servizzi ta’ qabel il-bejgħ jeskludu lill-biċċa l-kbira ta’ dawk li jiskontaw il-prezzijiet min-network ta’ distributuri awtorizzati. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li wieħed ikollu ħanut fiżiku wieħed jew aktar jeskludi lid-distributuri purament online min-network. Bħala konsegwenza, il-konsumaturi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jixtru l-ħames marki ewlenin minn ħwienet li joffru servizz għoli jew bi prezzijiet għoljin. Dan iwassal għal tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki bejn il-ħames marki ewlenin. Il-fatt li l-iżgħar żewġ marki jistgħu jinxtraw minn ħwienet li joffru servizz baxx jew bi prezzijiet baxxi ma jikkumpensax għal dan, minħabba li l-immaġni tal-marka tal-ħames mexxejja tas-suq hija ferm aħjar. Il-kompetizzjoni bejn il-marki hija wkoll limitata permezz ta’ distribuzzjoni multipla. Minkejja li jeżisti ċertu grad ta’ kompetizzjoni fi ħdan marka u n-numru ta’ distributuri ma huwiex direttament limitat, il-kriterji għad-dħul huma stretti biżżejjed sabiex iwasslu għal numru żgħir ta’ distributuri għall-ħames marki ewlenin f’kull territorju.

L-effiċjenzi assoċjati ma’ tali sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva kwantitattiva huma baxxi: il-prodott ma huwiex kumpless ħafna u ma jiġġustifikax servizz partikolarment għoli. Sakemm il-manifatturi ma jurux bil-provi li hemm effiċjenzi ċari assoċjati mas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħhom, x’aktarx li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jkollu jiġi rtirat, minħabba l-preżenza ta’ effetti restrittivi kumulattivi li jirriżultaw f’anqas għażla u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi.

4.6.3.   Franchising

(165)

L-akkordji dwar franchising fihom liċenzji ta’ DPI relatati b’mod partikolari ma’ trademarks jew ma’ sinjali u ma’ għarfien espert għall-użu u għad-distribuzzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Minbarra l-liċenzja tad-DPI, il-franchisor normalment jipprovdi lill-franchisee b’assistenza kummerċjali jew teknika matul il-ħajja tal-akkordju. Il-liċenzja u l-assistenza huma komponenti integrali tal-metodu tan-negozju li jkun soġġett għal franchising. Il-franchisor ġeneralment jitħallas miżata għall-franchise mill-franchisee għall-użu tal-metodu tan-negozju partikolari. Il-franchising jista’ jippermetti lill-franchisor jistabbilixxi, b’investimenti limitati, network uniformi għad-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu. Minbarra l-forniment tal-metodu tan-negozju, l-akkordji dwar franchising normalment ikun fihom kombinazzjoni ta’ diversi restrizzjonijiet vertikali dwar il-prodotti li jiġu ddistribwiti, pereżempju distribuzzjoni selettiva u/jew obbligu li ma ssirx kompetizzjoni.

(166)

Il-franchising (bl-eċċezzjoni tal-akkordji dwar franchising industrijali) għandha xi karatteristiċi speċifiċi, bħalma huma l-użu ta’ isem kummerċjali uniformi, metodi tan-negozju uniformi (inkluż il-liċenzjar tad-DPI) u l-ħlas ta’ royalties inkambju għall-benefiċċji mogħtijin. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, id-dispożizzjonijiet li huma strettament neċessarji għall-funzjonament ta’ tali sistemi ta’ franchising jistgħu jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dan jikkonċerna, pereżempju, ir-restrizzjonijiet li jimpedixxu l-għarfien espert u l-assistenza pprovduti mill-franchisor għall-benefiċċju tal-kompetituri tal-franchisor (96) u obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi mixtrijin mill-franchisee li huma neċessarji sabiex jinżammu l-identità komuni u r-reputazzjoni tan-network ta’ franchising. F’dan l-aħħar każ, it-tul taż-żmien tal-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni huwa irrilevanti, dment li ma jkunx itwal mit-tul taż-żmien tal-akkordju dwar franchising.

(167)

L-akkordji dwar franchising jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 meta la l-ishma mis-suq tal-fornitur u lanqas tax-xerrej ma jaqbżu t-30 %. Gwida speċifika dwar il-kalkolu tal-ishma mis-suq fil-kuntest ta’ franchising hija pprovduta fil-paragrafu (174). Il-liċenzjar tad-DPI li jinsabu fl-akkordji dwar franchising huwa indirizzat fil-paragrafi (71) sa (87). Ir-restrizzjonijiet vertikali li jinsabu fl-akkordji dwar franchising se jiġu vvalutati bl-użu tal-prinċipji applikabbli għas-sistema ta’ distribuzzjoni li tikkorrispondi l-aktar mill-qrib mal-akkordju dwar franchising speċifiku. Pereżempju, akkordju dwar franchising li jirriżulta f’network magħluq, fejn il-franchisees ikunu pprojbiti milli jbigħu lil dawk li ma humiex franchisees, irid jiġi vvalutat skont il-prinċipji applikabbli għad-distribuzzjoni selettiva. B’kuntrast ma’ dan, akkordju dwar franchising li ma joħloqx network magħluq iżda li jagħti esklużività territorjali u protezzjoni minn bejgħ attiv minn franchisees oħrajn irid jiġi vvalutat skont il-prinċipji applikabbli għad-distribuzzjoni esklużiva.

(168)

L-akkordji dwar franchising li ma humiex koperti mir-Regolament (UE) 2022/720 jeħtieġu valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Dik il-valutazzjoni għandha tqis li aktar ma jkun importanti t-trasferiment tal-għarfien espert, aktar ikun probabbli li r-restrizzjonijiet vertikali joħolqu effiċjenzi u/jew ikunu indispensabbli sabiex jipproteġu l-għarfien espert u, b’hekk, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(169)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ franchising:

Manifattur żviluppa format ġdid għall-bejgħ tal-ħelu fl-hekk imsejħa “ħwienet tal-gost”, fejn il-ħelu jista’ jiġi kkulurit fuq talba tal-konsumatur. Il-manifattur tal-ħelu żviluppa wkoll il-magni sabiex jagħti kulur lill-ħelu u jipproduċi l-likwidi koloranti. Il-kwalità u l-freskezza tal-likwidu għandhom importanza vitali għall-produzzjoni ta’ ħelu tajjeb. Il-manifattur għamel suċċess bil-ħelu tiegħu permezz ta’ numru ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut tiegħu, li lkoll joperaw taħt l-istess isem kummerċjali u b’immaġni divertenti uniformi (eż. l-istil komuni tal-ħanut u r-reklamar). Sabiex jespandi l-bejgħ, il-manifattur tal-ħelu beda sistema ta’ franchising. Sabiex tiġi żgurata kwalità tal-prodott u immaġni tal-ħanut uniformi, il-franchisees huma obbligati jixtru l-ħelu, il-likwidu u l-magna tal-kolorazzjoni mingħand il-manifattur, joperaw taħt l-istess isem kummerċjali, iħallsu miżata għall-franchise, jikkontribwixxu għal reklamar komuni u jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-manwal tax-xogħol imħejji mill-franchisor. Barra minn hekk, il-franchisees huma permessi jbigħu biss mill-post miftiehem lill-utenti finali jew lil franchisees oħrajn. Ma humiex permessi jbigħu ħelu ieħor fil-ħwienet tagħhom. Il-franchisor jieħu impenn li ma jaħtarx franchisee ieħor u li lanqas ma jopera ħanut tal-bejgħ bl-imnut f’territorju tal-kuntratt partikolari. Il-franchisor huwa obbligat ukoll li jaġġorna u jiżviluppa aktar il-prodotti tiegħu, il-prospettiva tan-negozju u l-manwal operazzjonali u li jagħmel dak it-titjib disponibbli għall-franchisees kollha. L-akkordji dwar franchising huma konklużi għal perjodu ta’ 10 snin.

Il-bejjiegħa bl-imnut tal-ħelu jixtru l-ħelu tagħhom f’suq nazzjonali mingħand produtturi nazzjonali li jipprovdu għal gosti nazzjonali jew mingħand bejjiegħa bl-ingrossa li jimportaw il-ħelu mingħand produtturi barranin, minbarra li jbigħu ħelu minn produtturi nazzjonali. F’dak is-suq, il-prodotti tal-franchisor jikkompetu ma’ numru ta’ marki nazzjonali u internazzjonali tal-ħelu, xi drabi prodotti minn kumpaniji tal-ikel diversifikati kbar. Is-sehem mis-suq tal-franchisor tas-suq għall-magni għall-kolorazzjoni tal-ikel huwa taħt l-10 %. Il-franchisor għandu sehem mis-suq ta’ 30 % fis-suq għall-ħelu mibjugħ lill-bejjiegħa bl-imnut. Hemm ħafna punti ta’ bejgħ għall-ħelu fil-forma ta’ bejjiegħa tat-tabakk, bejjiegħa bl-imnut ta’ ikel ġenerali, kafetteriji u ħwienet tal-ħelu speċjalizzati.

Il-biċċa l-kbira tal-obbligi li jinsabu fl-akkordji dwar franchising jistgħu jitqiesu li huma neċessarji sabiex jipproteġu d-DPI jew sabiex jinżammu l-identità komuni u r-reputazzjoni tan-network ta’ franchising u, b’hekk, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ (jiġifieri l-allokazzjoni ta’ territorju tal-kuntratt u d-distribuzzjoni selettiva) jipprovdu inċentiv lill-franchisees sabiex jinvestu fil-kunċett ta’ franchising u fil-magna ta’ kolorazzjoni, u sabiex jgħinu sabiex tinżamm l-identità komuni, u b’hekk jikkumpensaw għat-telf tal-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. Il-klawżola tal-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni li teskludi marki oħrajn tal-ħelu mill-ħwienet għat-tul ta’ żmien kollu tal-akkordji tippermetti li l-franchisor iżomm il-ħwienet uniformi u jwaqqaf lill-kompetituri milli jibbenefikaw mill-isem kummerċjali tiegħu. Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ ħwienet disponibbli għal produtturi oħrajn tal-ħelu, dan ma jwassal għal ebda esklużjoni serja. Konsegwentement, sal-punt li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, l-akkordji dwar franchising x’aktarx li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

5.   DEFINIZZJONI TAS-SUQ U KALKOLU TAS-SEHEM MIS-SUQ

5.1.   Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq

(170)

L-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq jipprovdi gwida dwar ir-regoli, il-kriterji u l-evidenza li tuża l-Kummissjoni meta tikkunsidra kwistjonijiet relatati mad-definizzjoni tas-suq. Għalhekk, is-suq rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal akkordji vertikali għandu jiġi definit fuq il-bażi ta’ din il-gwida, rispettivament, jew ta’ kwalunkwe gwida futura relatata mad-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, inkluża kwalunkwe gwida li tista’ tieħu post l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq. Dawn il-Linji Gwida jittrattaw biss kwistjonijiet speċifiċi li jinħolqu fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, u li ma humiex koperti mill-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq.

5.2.   Il-kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) 2022/720

(171)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/720, is-sehem mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tax-xerrej huma deċiżivi sabiex jiddeterminaw jekk l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplikax jew le. Sabiex ikun japplika r-Regolament (UE) 2022/720, is-sehem mis-suq tal-fornitur fis-suq fejn ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt lix-xerrej u s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq fejn jixtri l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt ma jridux jaqbżu t-30 %. Għall-akkordji bejn l-SMEs, b’mod ġenerali ma huwiex neċessarju li jiġu kkalkolati l-ishma mis-suq (ara l-paragrafu (28)).

(172)

Fil-livell tad-distribuzzjoni, ir-restrizzjonijiet vertikali normalment ma jikkonċernawx biss il-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi bejn il-fornitur u x-xerrej, iżda wkoll il-bejgħ mill-ġdid tagħhom. Billi formati ta’ distribuzzjoni differenti ġeneralment jikkompetu ma’ xulxin, b’mod ġenerali, is-swieq ma humiex definiti fil-forma ta’ distribuzzjoni li hija applikata, jiġifieri distribuzzjoni esklużiva, selettiva jew ħielsa. F’setturi li fihom il-fornituri ġeneralment ibigħu portafoll ta’ prodotti jew ta’ servizzi, il-portafoll sħiħ jista’ jiddetermina d-definizzjoni tas-suq, jekk il-portafolli, u mhux il-prodotti jew is-servizzi individwali li jinsabu fil-portafoll jitqiesu bħala sostituti mix-xerrejja.

(173)

Meta akkordju vertikali jinvolvi tliet partijiet, li kull waħda minnhom topera f’livell differenti tan-negozju, is-sehem mis-suq ta’ kull parti ma jistax jaqbeż it-30 % sabiex ikun japplika r-Regolament (UE) 2022/720. Kif speċifikat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament, meta f’akkordju bejn għadd ta’ partijiet, impriża (l-ewwel impriża) tixtri l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt mingħand impriża waħda li tkun parti għall-akkordju u tbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt lil impriża oħra li wkoll tkun parti għall-akkordju, ir-Regolament japplika biss jekk is-sehem mis-suq tal-ewwel impriża ma jaqbiżx il-limitu ta’ 30 % kemm bħala xerrejja kif ukoll bħala fornitriċi. Jekk, pereżempju, f’akkordju bejn manifattur, bejjiegħ bl-ingrossa (jew assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut) u bejjiegħ bl-imnut, jintlaħaq qbil fuq obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, allura l-ishma mis-suq tal-manifattur u tal-bejjiegħ bl-ingrossa (jew tal-assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut) fis-swieq tal-provvista rispettivi tagħhom ma jridux jaqbżu t-30 % u s-sehem mis-suq tal-bejjiegħ bl-ingrossa (jew tal-assoċjazzjoni ta’ bejjiegħa bl-imnut) u l-bejjiegħ bl-imnut ma jistax jaqbeż it-30 % fis-swieq tax-xiri rispettivi tagħhom sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament.

(174)

Meta l-akkordju vertikali, minbarra l-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt, ikun fih ukoll dispożizzjonijiet dwar id-DPI (bħal dispożizzjoni li tikkonċerna l-użu tat-trademark tal-fornitur), li jgħinu lix-xerrej iqiegħed fis-suq il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, is-sehem mis-suq tal-fornitur fis-suq fejn ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt huwa rilevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720. Meta franchisor ma jfornix prodotti jew servizzi sabiex jerġgħu jinbiegħu, iżda jipprovdi qatta servizzi u prodotti flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar id-DPI li flimkien jifformaw il-metodu tan-negozju li jkun soġġett għal franchising, il-franchisor jeħtieġ li jqis is-sehem mis-suq tiegħu bħala fornitur ta’ metodu tan-negozju għall-forniment ta’ prodotti jew ta’ servizzi speċifiċi lill-utenti finali. Għal dak l-għan, il-franchisor jeħtieġ jikkalkola s-sehem mis-suq tiegħu fis-suq meta l-metodu tan-negozju jkun sfruttat, jiġifieri s-suq li fih il-franchisees jisfruttaw il-metodu tan-negozju sabiex ifornu prodotti jew servizzi lill-utenti finali. Għalhekk, il-franchisor jeħtieġlu jibbaża s-sehem mis-suq tiegħu fuq il-valur tal-prodotti jew tas-servizzi forniti mill-franchisees tiegħu f’dak is-suq. F’suq bħal dan, il-kompetituri tal-franchisor jistgħu jinkludu fornituri ta’ metodi tan-negozju oħrajn soġġetti għal franchising, iżda wkoll fornituri ta’ prodotti jew ta’ servizzi sostitwibbli li ma japplikawx franchising. Pereżempju, mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni ta’ tali suq, jekk kien hemm suq għal servizzi ta’ fast-food, franchisor li jopera f’tali suq ikollu bżonn jikkalkola s-sehem mis-suq tiegħu fuq il-bażi taċ-ċifri tal-bejgħ rilevanti tal-franchisees tiegħu f’dak is-suq.

5.3.   Kalkolu tal-ishma mis-suq skont ir-Regolament (UE) 2022/720

(175)

Kif stabbilit fl-Artikolu 8, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720, bi prinċipju l-ishma mis-suq tal-fornitur u tax-xerrej għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ data dwar il-valur, filwaqt li jitqiesu s-sorsi kollha ta’ dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi. Meta d-data dwar il-valur ma tkunx disponibbli, jistgħu jsiru estimi sostanzjati fuq il-bażi ta’ informazzjoni affidabbli oħra tas-suq, bħal ċifri tal-volum.

(176)

Il-produzzjoni interna, jiġifieri l-produzzjoni jew il-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi intermedji għall-użu proprju tal-fornitur, tista’ tkun rilevanti għall-analiżi tal-kompetizzjoni f’każ partikolari, iżda ma titqiesx għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq jew għall-kalkolu tal-ishma tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2022/720. Madankollu, skont l-Artikolu 8, il-punt (c) tar-Regolament, f’xenarji ta’ distribuzzjoni doppja, id-definizzjoni tas-suq u l-kalkolu tas-sehem mis-suq jenħtieġ li jinkludu l-bejgħ mill-fornitur tal-prodotti tiegħu stess magħmulin permezz tad-distributuri u permezz tal-aġenti tiegħu integrati vertikalment (97). Distributuri integrati huma impriżi konnessi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament.

6.   L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) 2022/720

6.1.   Ir-restrizzjonijiet fundamentali skont ir-Regolament (UE) 2022/720

(177)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 fih lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali. Dawn huma restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għandhom jiġu pprojbiti minħabba l-ħsara li jikkawżaw lill-konsumaturi. Meta akkordju vertikali jkun fih restrizzjoni fundamentali waħda jew aktar, l-akkordju kollu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720.

(178)

Ir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 japplikaw għall-akkordji vertikali li jikkonċernaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, sa fejn akkordju vertikali jkun jikkonċerna esportazzjonijiet barra mill-Unjoni jew importazzjonijiet/importazzjonijiet mill-ġdid minn barra l-Unjoni, ma jistax jitqies li għandu l-għan li jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni jew li huwa kapaċi jaffettwa, bħala tali, il-kummerċ bejn l-Istati Membri (98).

(179)

Ir-restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 huma ġeneralment restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan li jaqgħu fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (99). Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan huma tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jistgħu jitqiesu bħala dannużi min-natura tagħhom stess għall-funzjonament xieraq tal-kompetizzjoni normali (100). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw livell suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni tant li jitqies li ma jkunx neċessarju li jiġu vvalutati l-effetti tagħhom (101). Sejba ta’ restrizzjoni skont l-għan tirrikjedi valutazzjoni individwali tal-akkordju vertikali kkonċernat. B’kuntrast ma’ dan, ir-restrizzjonijiet fundamentali huma kategorija ta’ restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/720, li għalihom huwa preżunt li ġeneralment jirriżultaw fi ħsara netta għall-kompetizzjoni. Għalhekk, l-akkordji vertikali li fihom tali restrizzjonijiet fundamentali ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(180)

Madankollu, ir-restrizzjonijiet fundamentali mhux neċessarjament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Jekk restrizzjoni fundamentali elenkata fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ akkordju vertikali partikolari, pereżempju, sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ projbizzjoni pubblika fuq il-bejgħ ta’ sustanzi perikolużi lil ċerti klijenti għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ saħħa, dak l-akkordju jaqa’ b’mod eċċezzjonali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tapplika l-prinċipji li ġejjin meta tivvaluta akkordju vertikali:

(a)

meta restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 tkun inkluża f’akkordju vertikali, dak l-akkordju x’aktarx li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(b)

akkordju li jinkludi restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 x’aktarx li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(181)

Impriża tista’ turi effetti prokompetittivi skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat f’każ individwali (102). Għal dak l-iskop, l-impriża trid tissostanzja li l-effiċjenzi huma probabbli u li dawn l-effiċjenzi x’aktarx jirriżultaw mill-inklużjoni tar-restrizzjoni fundamentali fl-akkordju, kif ukoll turi li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Meta dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tivvaluta l-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni li x’aktarx jirriżulta mill-inklużjoni tar-restrizzjoni fundamentali fl-akkordju qabel ma tagħmel valutazzjoni finali dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ikunux issodisfati.

(182)

L-eżempji fil-paragrafi (183) u (184) huma maħsubin sabiex juru kif il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji msemmijin hawn fuq.

(183)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ cross-supplies bejn id-distributuri awtorizzati:

Fil-każ ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, cross-supplies bejn distributuri maħtura ġeneralment iridu jibqgħu liberi (ara l-paragrafu (237). Madankollu, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk ikun neċessarju li l-bejjiegħa bl-ingrossa awtorizzati li jinsabu f’territorji differenti jinvestu f’attivitajiet promozzjonali fit-territorju li fih huma jqassmu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt sabiex jappoġġaw il-bejgħ minn bejjiegħa bl-imnut awtorizzati u ma jkunx prattiku li jiġu speċifikati l-attivitajiet promozzjonali meħtieġa bħala obbligu kuntrattwali fl-akkordju.

(184)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ ttestjar ġenwin:

Fil-każ ta’ ttestjar ġenwin ta’ prodott ġdid f’territorju limitat jew ma’ grupp limitat ta’ klijenti, jew fil-każ ta’ introduzzjoni gradwali ta’ prodott ġdid, id-distributuri li jitqabbdu sabiex ibigħu l-prodott il-ġdid fis-suq tat-test, jew dawk li jipparteċipaw fl-ewwel sessjoni(jiet) tal-introduzzjoni gradwali jistgħu jkunu ristretti milli jagħmlu bejgħ attiv barra mis-suq tat-test jew f’suq/swieq jew lil gruppi ta’ klijenti fejn il-prodott ikun għadu ma ġiex introdott. Tali restrizzjonijiet jistgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat għall-perjodu neċessarju għall-ittestjar jew għall-introduzzjoni tal-prodott.

6.1.1.   Żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid

(185)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna ż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid (“RPM”), jiġifieri, akkordji li, direttament jew indirettament, ikollhom l-għan li jillimitaw il-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, inklużi dawk li jistabbilixxu prezz tal-bejgħ fiss jew minimu li jrid jiġi osservat mix-xerrej (103). Rekwiżit għax-xerrej li jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ tiegħu fi ħdan ċerta medda huwa l-RPM fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament.

(186)

L-RPM tista’ tiġi applikata permezz ta’ mezzi diretti. Dan huwa l-każ għal dispożizzjonijiet kuntrattwali jew għal prattiki miftiehma li jistabbilixxu direttament il-prezz li x-xerrej jeħtieġlu jitlob lill-klijenti tiegħu (104), jew li jippermettu lill-fornitur jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, jew li jipprojbixxu lix-xerrej milli jbigħ taħt ċertu livell ta’ prezz. Ir-restrizzjoni hija wkoll ċara meta l-fornitur jitlob żieda fil-prezz u x-xerrej jikkonforma mat-talba.

(187)

L-RPM tista’ tiġi applikata wkoll permezz ta’ mezzi indiretti, inklużi inċentivi sabiex jiġi osservat prezz minimu jew diżinċentivi sabiex ikun hemm devjazzjoni minn prezz minimu. L-eżempji li ġejjin jipprovdu lista mhux eżawrjenti ta’ tali mezzi indiretti:

(a)

l-iffissar tal-marġni tal-bejgħ mill-ġdid;

(b)

l-iffissar tal-livell massimu ta’ skont li d-distributur jista’ jagħti minn livell ta’ prezz prestabbilit;

(c)

l-għoti ta’ ribassi jew ir-rimborż ta’ spejjeż promozzjonali mill-fornitur isiru soġġetti għall-osservanza ta’ livell ta’ prezz partikolari;

(d)

l-impożizzjoni ta’ prezzijiet minimi rreklamati (“MAPs”), li jipprojbixxu lid-distributur milli jirreklama prezzijiet taħt livell stabbilit mill-fornitur;

(e)

l-irbit tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid prestabbilit mal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-kompetituri;

(f)

it-theddid, l-intimidazzjonijiet, it-twissijiet, il-penali, id-dewmien jew is-sospensjoni ta’ kunsinni jew it-terminazzjonijiet ta’ kuntratti b’rabta mal-osservanza ta’ livell ta’ prezz partikolari.

(188)

Skont l-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720, l-impożizzjoni mill-fornitur ta’ prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid jew ir-rakkomandazzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma hijiex restrizzjoni fundamentali. Madankollu, jekk il-fornitur jikkombina tali rakkomandazzjoni dwar il-prezz massimu jew il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ma’ inċentivi sabiex jiġi applikat ċertu livell ta’ prezz jew diżinċentivi sabiex jitbaxxa l-prezz tal-bejgħ, dan jista’ jammonta għal RPM. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta l-fornitur jirrimborża l-ispejjeż promozzjonali mġarrbin mix-xerrej soġġett għall-kundizzjoni li x-xerrej ma jiddevjax mill-prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid jew mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid rakkomandat. Eżempju ta’ diżinċentiv sabiex jitnaqqas il-prezz tal-bejgħ ikun fejn il-fornitur jhedded li jnaqqas aktar provvisti b’reazzjoni għal devjazzjoni mix-xerrej mill-prezz massimu jew rakkomandat tal-bejgħ mill-ġdid.

(189)

Għalkemm fil-prinċipju l-MAPs iħallu lid-distributur liberu li jbigħ bi prezz li jkun aktar baxx mill-prezz reklamat, huma jiddiżinċentivaw lid-distributur milli jistabbilixxi prezz tal-bejgħ aktar baxx billi jirrestrinġu l-kapaċità tiegħu li jinforma lill-klijenti potenzjali dwar l-iskontijiet disponibbli. B’hekk jitneħħa parametru ewlieni għall-kompetizzjoni fil-prezz bejn il-bejjiegħa bl-imnut. Għalhekk, għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720, l-MAPs jiġu ttrattati bħala mezz indirett għall-applikazzjoni tal-RPM.

(190)

Il-mezzi diretti jew indiretti tal-applikazzjoni tal-RPM jistgħu jsiru aktar effettivi meta jiġu kkombinati ma’ miżuri li jkollhom l-għan li jidentifikaw distributuri li jnaqqsu l-prezzijiet, bħal dawk li jimplimentaw sistema għall-monitoraġġ tal-prezzijiet, jew li jobbligaw lill-bejjiegħa bl-imnut jirrapportaw membri oħrajn tan-network ta’ distribuzzjoni li jiddevjaw mil-livell tal-prezz standard.

(191)

Il-monitoraġġ tal-prezzijiet qed jintuża dejjem aktar fil-kummerċ elettroniku, fejn kemm il-fornituri kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut spiss jużaw software għall-monitoraġġ tal-prezzijiet (105). Dan is-software jżid it-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq u jippermetti lill-manifatturi jsegwu b’mod effettiv il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fin-network ta’ distribuzzjoni tagħhom (106). Jippermetti wkoll lill-bejjiegħa bl-imnut jintraċċaw il-prezzijiet tal-kompetituri tagħhom. Madankollu, meta jkunu weħidhom, il-monitoraġġ tal-prezzijiet u r-rapportar tal-prezzijiet ma humiex RPM.

(192)

Taħt akkordju ta’ aġenzija, il-prinċipal ġeneralment jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ, minħabba li huwa jġorr ir-riskji kummerċjali u finanzjarji relatati mal-bejgħ. Madankollu, meta l-akkordju ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu klassifikati bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (ara b’mod partikolari l-paragrafi (30) sa (34) ta’ dawn il-Linji Gwida), kwalunkwe obbligu dirett jew indirett li jipprevjeni jew jirrestrinġi lill-aġent milli jaqsam ir-remunerazzjoni tiegħu mal-klijent, irrispettivament minn jekk ir-remunerazzjoni tkunx fissa jew varjabbli, huwa restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720 (107). Għalhekk, l-aġent għandu jitħalla liberu li jnaqqas il-prezz effettiv imħallas mill-klijent mingħajr ma jnaqqas l-introjtu dovut lill-prinċipal (108).

(193)

Taħt kuntratt ta’ eżekuzzjoni, il-fornitur jidħol f’akkordju vertikali ma’ xerrej għall-finijiet tal-eżekuzzjoni (twettiq) ta’ akkordju ta’ provvista konkluż minn qabel bejn il-fornitur u klijent speċifiku. Meta l-fornitur jagħżel l-impenn li se jipprovdi s-servizzi ta’ eżekuzzjoni, l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid mill-fornitur ma tkunx RPM. F’dak il-każ, il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid impost fil-kuntratt ta’ eżekuzzjoni ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni għall-provvista tal-prodotti jew tas-servizzi lill-klijent jew il-kompetizzjoni għall-provvista tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni. Pereżempju, dan japplika meta l-klijenti jixtru prodotti minn impriża attiva fl-ekonomija tal-pjattaformi online li titħaddem minn grupp ta’ bejjiegħa bl-imnut indipendenti taħt marka komuni u dik l-impriża tiddetermina l-prezz għall-bejgħ tal-prodotti u tgħaddi l-ordnijiet lill-bejjiegħa bl-imnut sabiex jeżegwuhom (109). B’kuntrast ma’ dan, meta l-impriża li tkun se tipprovdi s-servizzi ta’ eżekuzzjoni tintgħażel mill-klijent, l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid mill-fornitur tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni għall-forniment tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni. F’dak il-każ, l-impożizzjoni ta’ prezz tal-bejgħ mill-ġdid tista’ tammonta għal RPM.

(194)

L-Artikolu 4(a) tar-Regolament (UE) 2022/720 huwa kompletament applikabbli fl-ekonomija tal-pjattaformi online. B’mod partikolari, meta impriża tipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (e) tar-Regolament, hija tkun fornitur fir-rigward ta’ dawk is-servizzi u, għalhekk, l-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament japplika għar-restrizzjonijiet imposti mill-impriża fuq ix-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online relatati mal-prezz tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jinbiegħu permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online. Filwaqt li dan ma jżommx lil fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online milli jinċentiva lill-utenti tas-servizzi sabiex ibigħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom bi prezz kompetittiv jew sabiex inaqqsu l-prezzijiet tagħhom, l-impożizzjoni mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ prezz tal-bejgħ fiss jew minimu għat-tranżazzjonijiet li huwa jintermedja hija restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(195)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat f’diversi okkażjonijiet li l-RPM hija restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-għan li taqa’ fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (110). Madankollu, kif iddikjarat fil-paragrafi (179) sa (181), il-kwalifika ta’ restrizzjoni bħala restrizzjoni fundamentali jew bħala restrizzjoni skont l-għan ma tfissirx li hija ksur per se tal-Artikolu 101 tat-Trattat. Meta l-impriżi jqisu li l-RPM qiegħda ttejjeb l-effiċjenza f’każ individwali, huma jistgħu jibbażaw fuq ġustifikazzjonijiet relatati mal-effiċjenza skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(196)

L-RPM tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan il-marka u/jew bejn il-marki b’diversi modi:

(a)

RPM tista’ tiffaċilita l-kollużjoni bejn il-fornituri, billi ttejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq u, għalhekk, tagħmilha eħfef li jiġi żvelat jekk fornitur ikunx qiegħed jiddevja mill-ekwilibriju kollużiv billi jwaqqa’ l-prezz tiegħu. Dan l-effett negattiv huwa aktar probabbli fi swieq suxxettibbli għal eżiti kollużivi, pereżempju, meta l-fornituri jifformaw oligopolija stretta u sehem sinifikanti mis-suq ikun kopert mill-akkordji dwar l-RPM;

(b)

RPM tista’ tiffaċilita l-kollużjoni bejn ix-xerrejja fil-livell ta’ distribuzzjoni, b’mod partikolari meta tkun xprunata mix-xerrejja. Jista’ jkun li bejjiegħa b’saħħithom jew organizzati tajjeb ikunu jistgħu jisfurzaw jew jikkonvinċu lil wieħed jew aktar mill-fornituri tagħhom jiffissaw il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom ’il fuq mil-livell kompetittiv, sabiex b’hekk jgħinu lix-xerrejja jilħqu jew jistabbilizzaw ekwilibriju kollużiv. L-RPM isservi bħala mezz ta’ impenn għall-bejjiegħa bl-imnut sabiex ma jiddevjawx mill-ekwilibriju kollużiv permezz ta’ skontar tal-prezzijiet;

(c)

f’xi każijiet, l-RPM tista’ wkoll tnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-manifatturi u/jew bejn il-bejjiegħa bl-imnut, b’mod partikolari meta l-manifatturi jużaw l-istess distributuri sabiex jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom u l-RPM tkun applikata minnhom kollha jew mill-biċċa kbira minnhom;

(d)

RPM tista’ tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġini tal-fornitur, b’mod partikolari meta manifattur ikollu problema ta’ impenn, jiġifieri meta jkollu interess li jbaxxi l-prezz mitlub lid-distributuri sussegwenti. F’sitwazzjoni bħal dik, il-manifattur jista’ jippreferi li jaqbel mal-RPM, sabiex din tgħinu jimpenja ruħu li ma jbaxxix il-prezz għad-distributuri sussegwenti u li jnaqqas il-pressjoni fuq il-marġini tiegħu stess;

(e)

billi tipprevjeni l-kompetizzjoni fil-prezz bejn id-distributuri, l-RPM tista’ tipprevjeni jew tfixkel id-dħul u l-espansjoni ta’ formati ta’ distribuzzjoni ġodda jew aktar effiċjenti, u b’hekk tnaqqas l-innovazzjoni fil-livell tad-distribuzzjoni;

(f)

RPM tista’ tiġi implimentata minn fornitur b’saħħa fis-suq sabiex jeskludi rivali iżgħar minnu. Iż-żieda fil-marġni li l-RPM tista’ toffri lid-distributuri tista’ tinċentivahom sabiex jiffavorixxu l-marka tal-fornitur fuq marki rivali meta jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom, anki neta tali pariri ma jkunux fl-interess tal-klijenti, jew saħansitra li ma jbigħux il-marki rivali affattu;

(g)

l-effett dirett tal-RPM huwa l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fil-prezz fi ħdan il-marka, billi jiġi evitat li ċerti distributuri jew id-distributuri kollha jbaxxu l-prezz tal-bejgħ tagħhom għall-marka kkonċernata, li b’hekk jirriżulta f’żieda fil-prezz għal dik il-marka.

(197)

Madankollu, l-RPM tista’ twassal ukoll għal effiċjenzi, b’mod partikolari meta tkun xprunata mill-fornitur. Meta l-impriżi jibbażaw fuq id-difiża tal-effiċjenza għall-RPM, jeħtiġilhom ikunu jistgħu jissostanzjaw dan b’evidenza konkreta u juru li l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 101(3) jkunu ssodisfati f’ kull każ individwali (111). Erba’ eżempji ta’ effiċjenzi bħal dawn huma stabbiliti hawn taħt.

(a)

Meta manifattur jintroduċi prodott ġdid, l-RPM tista’ tkun mezz effiċjenti sabiex tħeġġeġ lid-distributuri jqisu aħjar l-interess tal-manifattur fil-promozzjoni ta’ dak il-prodott. L-Artikolu 101(3) tat-Trattat jeħtieġ ukoll li ma jkun hemm l-ebda mezz alternattiv realistiku u anqas restrittiv kif id-distributuri jiġu inċentivati jippromwovu l-prodott. Sabiex jissodisfaw dak ir-rekwiżit, il-fornituri jistgħu, pereżempju, juru li fil-prattika ma huwiex fattibbli li jiġu imposti fuq ix-xerrejja kollha obbligi ta’ promozzjoni effettivi permezz ta’ kuntratt. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-impożizzjoni ta’ prezzijiet fissi jew minimi tal-bejgħ bl-imnut għal perjodu ta’ żmien limitat sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tal-prodott il-ġdid tista’ tiġi kkunsidrata fuq il-bilanċ favur il-kompetizzjoni.

(b)

Il-prezzijiet fissi tal-bejgħ mill-ġdid, u mhux biss il-prezzijiet massimi tal-bejgħ mill-ġdid, jistgħu jkunu meħtieġa sabiex tiġi organizzata kampanja kkoordinata ta’ prezzijiet baxxi għal terminu qasir (ta’ bejn ġimagħtejn (2) u sitt (6) ġimgħat fil-biċċa l-kbira tal-każijiet), b’mod partikolari f’sistema ta’ distribuzzjoni meta l-fornitur japplika format ta’ distribuzzjoni uniformi, bħal pereżempju sistema ta’ franchising. F’każ bħal dan, minħabba l-karattru temporanju tagħha, l-impożizzjoni ta’ prezzijiet fissi tal-bejgħ bl-imnut tista’ titqies bħala prokompetittiva fuq il-bilanċ.

(c)

Jista’ jintuża prezz minimu għall-bejgħ mill-ġdid jew MAP sabiex jipprevjeni distributur partikolari milli juża l-prodott ta’ fornitur bħala prodott “loss leader”. Meta distributur ibigħ mill-ġdid b’mod regolari prodott taħt il-prezz bl-ingrossa, dan jista’ jagħmel ħsara lill-immaġni tal-marka tal-prodott u, biż-żmien, inaqqas id-domanda ġenerali għall-prodott u jimmina l-inċentivi tal-fornitur li jinvesti fil-kwalità u fl-immaġni tal-marka. F’dan il-każ, il-fatt li dan id-distributur partikolari ma jitħalliex ibigħ taħt il-prezz bl-ingrossa permezz tal-impożizzjoni ta’ prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid fil-mira jew MAP jista’ jitqies fuq il-bilanċ favur il-kompetizzjoni.

(d)

F’xi sitwazzjonijiet, il-marġni żejjed ipprovdut mill-RPM jista’ jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut jipprovdu servizzi addizzjonali ta’ qabel il-bejgħ, b’mod partikolari fil-każ ta’ prodotti kumplessi. Jekk ikun hemm biżżejjed klijenti li jieħdu vantaġġ minn tali servizzi sabiex jagħżlu prodott iżda, sussegwentement, jixtru bi prezzijiet orħos mingħand bejjiegħa bl-imnut li ma jipprovdux tali servizzi (u b’hekk ma jġarrbux dawn l-ispejjeż), il-bejjiegħa bl-imnut li joffru livell ta’ servizz għoli jistgħu jnaqqsu jew jieqfu jipprovdu servizzi ta’ qabel il-bejgħ li jtejbu d-domanda għall-prodott tal-fornitur. Il-fornitur jeħtieġlu juri li jkun hemm riskju ta’ parassitiżmu fil-livell ta’ distribuzzjoni, li l-prezzijiet fissi jew minimi tal-bejgħ mill-ġdid jipprovdu biżżejjed inċentivi għall-investimenti fis-servizzi ta’ qabel il-bejgħ u li ma hemm l-ebda mezz alternattiv realistiku u anqas restrittiv sabiex jingħeleb dan il-parassitiżmu. F’din is-sitwazzjoni, il-probabbiltà li l-RPM titqies li hija prokompetittiva tkun ogħla meta l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tkun ħarxa u l-fornitur ikollu saħħa limitata fis-suq.

(198)

L-użu tal-prezzijiet rakkomandati tal-bejgħ mill-ġdid jew tal-prezzijiet massimi tal-bejgħ mill-ġdid jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 meta s-sehem mis-suq ta’ kull waħda mill-partijiet għall-akkordju ma jaqbiżx il-limitu ta’ 30 % u dment li dan ma jkunx jammonta għall-impożizzjoni ta’ prezz minimu jew fiss tal-bejgħ bħala riżultat ta’ pressjoni jew ta’ inċentivi minn xi waħda mill-partijiet, kif stabbilit fil-paragrafi (187) u (188). Il-paragrafi (199) sa (201) jipprovdu gwida għall-valutazzjoni tal-prezzijiet rakkomandati jew massimi tal-bejgħ mill-ġdid ’il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.

(199)

Ir-riskji għall-kompetizzjoni assoċjati mal-prezzijiet rakkomandati u massimi tal-bejgħ mill-ġdid huma, l-ewwel nett, li jistgħu jitħaddmu bħala punt fokali għar-rivendituri u jistgħu jiġu segwiti mill-biċċa l-kbira tagħhom jew minnhom kollha. It-tieni, jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni jew jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn il-fornituri.

(200)

Fattur importanti għall-valutazzjoni tal-effetti antikompetittivi possibbli tal-prezzijiet massimi jew rakkomandati tal-bejgħ mill-ġdid huwa l-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tas-suq tal-fornitur, aktar ikun għoli r-riskju li prezz ta’ bejgħ mill-ġdid rakkomandat jew massimu jwassal għal applikazzjoni aktar jew anqas uniformi ta’ dak il-livell ta’ prezz mir-rivendituri, minħabba li jistgħu jsibuha diffiċli li jiddevjaw minn dak li huma jqisu bħala l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid preferut propost minn fornitur importanti bħal dan.

(201)

Meta l-prezzijiet rakkomandati jew massimi tal-bejgħ mill-ġdid jipproduċu effetti antikompetittivi sinifikanti, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni previsti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fir-rigward tal-prezzijiet massimi ta’ bejgħ mill-ġdid, l-evitar ta’ “emarġinazzjoni doppja” (112) jista’ jkun partikolarment rilevanti. Prezz massimu tal-bejgħ mill-ġdid jista’ jgħin ukoll sabiex jiġi żgurat li l-marka tal-fornitur tikkompeti bi ħruxija akbar ma’ marki oħrajn distribwiti mill-istess distributur, inklużi prodotti b’tikketta privata.

6.1.2.   Restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4, il-punti (b), (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2022/720

6.1.2.1.   Kwalifika bħala restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2022/720

(202)

L-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2022/720 fih lista ta’ restrizzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet fundamentali li japplikaw għal diversi tipi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, rispettivament: distribuzzjoni esklużiva, distribuzzjoni selettiva jew distribuzzjoni ħielsa. Ir-restrizzjonijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4, il-punti (b), (c)(i) u (d) tar-Regolament (UE) 2022/720 jikkonċernaw akkordji li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħrajn kontrollati mill-partijiet, ikollhom l-għan li jirrestrinġu jew it-territorju li fih jew il-klijenti li lilhom ix-xerrej jew il-klijenti tiegħu jistgħu jbigħu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt. L-Artikolu 4, il-punti (c)(ii) u (iii) tar-Regolament (UE) 2022/720 jistabbilixxi li, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, ir-restrizzjonijiet ta’ cross-supplies bejn il-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fl-istess livell jew f’livelli differenti tal-kummerċ u r-restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali mill-membri tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fil-livell tal-bejgħ bl-imnut tal-kummerċ, huma restrizzjonijiet fundamentali. L-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament japplika irrispettivament mill-kanal ta’ bejgħ użat, pereżempju, irrispettivament minn jekk il-bejgħ isirx offline jew online.

(203)

L-Artikolu 4, il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720 jipprevedi li akkordju vertikali li, direttament jew indirettament, waħdu jew flimkien ma’ fatturi oħrajn kontrollati mill-partijiet, għandu l-għan li jipprevjeni l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu sabiex ibigħu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, huwa restrizzjoni fundamentali. Akkordju vertikali li jkun fih restrizzjoni waħda jew aktar ta’ bejgħ online jew ta’ reklamar online li (113) de facto tipprojbixxi lix-xerrej milli juża l-internet sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt għandu tal-anqas l-għan li jirrestrinġi l-bejgħ passiv lill-utenti finali li jkunu jixtiequ jixtru online u li jinsabu barra miż-żona fiżika tan-negozjar tax-xerrej (114). Għalhekk, tali akkordji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4, il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720. L-istess japplika għal akkordji vertikali li ma jipprojbixxux direttament, iżda għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet minn xerrej jew mill-klijenti tiegħu sabiex ibigħu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari. Pereżempju, dan huwa l-każ għal akkordji vertikali li għandhom l-għan li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-volum aggregat tal-bejgħ online tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt jew il-possibbiltà għall-utenti finali li jixtru l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt online. Bl-istess mod, dan huwa l-każ għal akkordji vertikali li għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu ta’ mezz ta’ reklamar online wieħed jew aktar mix-xerrej, bħal magni tat-tiftix (115) jew servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew li jipprevjenu lix-xerrej milli jistabbilixxi jew juża l-ħanut online tiegħu stess (116). Il-valutazzjoni ta’ jekk restrizzjoni tkunx fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720 tista’ tikkonsidra l-kontenut u l-kuntest tar-restrizzjoni, iżda ma tistax tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi għas-suq jew fuq il-karatteristiċi individwali tal-partijiet tal-akkordju vertikali.

(204)

Ir-restrizzjonijiet fundamentali msemmijin fil-paragrafu (202) jistgħu jirriżultaw minn obbligi diretti, bħall-obbligu li ma jsirx bejgħ f’territorji jew lil klijenti partikolari, jew l-obbligu li l-ordnijiet minn tali klijenti jiġu riferiti lil distributuri oħrajn. Jistgħu jirriżultaw ukoll mill-fornitur li japplika miżuri indiretti sabiex iħeġġeġ lix-xerrej ma jbigħx lil tali klijenti, bħal:

(a)

li jeħtieġ li x-xerrej jitlob l-approvazzjoni minn qabel tal-fornitur għall-bejgħ lil tali klijenti (117);

(b)

li jirrifjuta jew inaqqas il-bonusijiet jew l-iskontijiet jekk ix-xerrej ibigħ lil tali klijenti (118) jew jagħmel pagamenti ta’ kumpens lix-xerrej jekk jieqaf ibigħ lil tali klijenti;

(c)

itemm il-provvista ta’ prodotti jekk ix-xerrej ibigħ lil klijenti bħal dawn;

(d)

jillimita jew inaqqas il-volumi forniti, pereżempju, sabiex il-volumi jikkorrispondu għad-domanda mill-klijenti f’ċerti territorji jew għad-domanda minn ċerti gruppi ta’ klijenti;

(e)

jhedded it-terminazzjoni tal-akkordju vertikali (119) jew li ma jġeddux jekk ix-xerrej ibigħ lil tali klijenti;

(f)

jitlob prezz ogħla lid-distributur għal prodotti li jkunu se jinbiegħu lil tali klijenti (120);

(g)

jillimita l-proporzjon ta’ bejgħ magħmul mix-xerrej lil tali klijenti;

(h)

jipprevjeni lix-xerrej milli juża lingwi addizzjonali fuq l-imballaġġ jew għall-promozzjoni tal-prodotti (121);

(i)

iforni prodott ieħor jekk ix-xerrej min-naħa tiegħu jieqaf ibigħ lil tali klijenti;

(j)

iħallas lix-xerrej sabiex jieqaf mill-bejgħ lil tali klijenti;

(k)

jobbliga lix-xerrej jgħaddi lill-fornitur il-profitti minn tali klijenti (122);

(l)

jeskludi minn servizz ta’ garanzija madwar l-Unjoni kollha rimborżat mill-fornitur il-prodotti li jinbiegħu mill-ġdid barra t-territorju tax-xerrej jew prodotti li jinbiegħu fit-territorju tax-xerrej minn xerrejja li jinsabu f’territorji oħrajn (123).

(205)

Miżuri li jippermettu lil manifattur jivverifika d-destinazzjoni tal-prodotti forniti, bħall-użu ta’ tikketti differenzjati, ta’ raggruppamenti speċifiċi tal-lingwa jew ta’ numri tas-serje, jew l-isfida jew il-prestazzjoni ta’ awditjar biex tiġi vverifikata l-konformità tax-xerrej ma’ restrizzjonijiet oħra (124)ma humiex minnhom infushom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Madankollu, jistgħu jitqiesu li jiffurmaw parti minn restrizzjoni fundamentali tal-bejgħ tax-xerrej meta jintużaw mill-fornitur biex jikkontrolla d-destinazzjoni tal-provvista tal-merkanzija, pereżempju meta jintużaw flimkien ma’ waħda jew aktar mill-prattiki msemmijin fil-paragrafi (203) u (204).

(206)

Minbarra r-restrizzjonijiet diretti u indiretti msemmijin fil-paragrafi (202) sa (204), ir-restrizzjonijiet fundamentali speċifikament relatati mal-bejgħ online jistgħu b’mod simili jkunu r-riżultat ta’ obbligi diretti jew indiretti. Minbarra projbizzjoni diretta tal-użu tal-internet sabiex jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, dawn li ġejjin huma eżempji ta’ obbligi li indirettament għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720:

(a)

il-ħtieġa li x-xerrej jipprevjeni lill-klijenti li jinsabu f’territorju ieħor milli jaraw is-sit web jew il-ħanut online tiegħu jew li jirridirezzjona lill-klijenti lejn il-ħanut online tal-manifattur jew ta’ bejjiegħ ieħor. Madankollu, l-obbligu tax-xerrej li joffri links għall-ħwienet online tal-fornitur jew ta’ bejjiegħa oħrajn ma huwiex restrizzjoni fundamentali (125);

(b)

il-ħtieġa li x-xerrej jittermina t-tranżazzjonijiet online tal-konsumaturi meta d-data tal-karta ta’ kreditu tagħhom turi indirizz li ma jkunx fit-territorju tax-xerrej (126);

(c)

l-esiġenza li x-xerrej ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt biss fi spazju fiżiku jew fil-preżenza fiżika ta’ persunal speċjalizzat (127);

(d)

il-ħtieġa li x-xerrej ifittex l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-fornitur qabel ma jagħmel tranżazzjonijiet individwali ta’ bejgħ online;

(e)

il-projbizzjoni tax-xerrej milli juża t-trademarks jew l-ismijiet tad-ditti tal-fornitur fuq is-sit web tiegħu jew fil-ħanut online tiegħu;

(f)

il-projbizzjoni tax-xerrej milli jistabbilixxi jew jopera ħanut online wieħed jew aktar, irrispettivament minn jekk il-ħanut online huwiex ospitat fuq is-server tax-xerrej stess jew fuq server ta’ parti terza (128);

(g)

il-projbizzjoni fir-rigward tax-xerrej milli juża kanali ta’ reklamar online sħaħ, bħal magni tat-tiftix (129) jew servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew restrizzjonijiet li indirettament jipprojbixxu l-użu ta’ kanali ta’ reklamar online sħaħ, bħal obbligu li ma jintużawx it-trademarks jew l-ismijiet tal-marki tal-fornitur għall-offerti li għandhom jiġu rreferenzjati f’magni tat-tiftix, jew restrizzjoni fuq l-għoti ta’ informazzjoni relatata mal-prezz lil servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet. Tali restrizzjonijiet għandhom l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, peress li jillimitaw il-kapaċità tax-xerrej li jimmira lejn klijenti lil hinn miż-żona ta’ negozjar fiżiku tiegħu, jinformahom dwar l-offerti tiegħu u jattirahom lejn il-ħanut online jew lejn kanali oħrajn ta’ bejgħ tiegħu. Il-projbizzjoni tal-użu ta’ servizzi partikolari ta’ tqabbil tal-prezzijiet jew ta’ magni tat-tiftix ġeneralment ma tkunx restrizzjoni fundamentali, peress li x-xerrej jista’ juża servizzi oħrajn ta’ reklamar online sabiex iżid l-għarfien dwar l-attivitajiet ta’ bejgħ online tiegħu. Madankollu, il-projbizzjoni tal-użu tas-servizzi ta’ reklamar l-aktar użati fil-mezz partikolari tar-reklamar online tista’ tammonta għal restrizzjoni fundamentali, jekk is-servizzi li jifdal f’dak il-mezz tar-reklamar ma jkunux kapaċi de facto jattiraw klijenti lejn il-ħanut online tax-xerrej.

(207)

Għall-kuntrarju tar-restrizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu (204), ir-rekwiżiti imposti mill-fornitur fuq ix-xerrej relatati mal-mod li bih għandhom jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, irrispettivament mit-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni. B’mod partikolari, il-fornitur jista’ jimponi rekwiżiti relatati mal-kwalità. Pereżempju, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-fornitur jista’ jimponi rekwiżiti relatati mad-daqs minimu u mad-dehra tal-ħanut tax-xerrej (pereżempju, relatati ma’ installazzjonijiet, ma’ tagħmir, ma’ disinn, ma’ dawl u ma’ kisi tal-art) jew mal-preżentazzjoni tal-prodott (pereżempju, in-numru minimu ta’ prodotti tal-marka li għandhom jintwerew, l-ispazju minimu bejn il-prodotti) (130).

(208)

B’mod simili, il-fornitur jista’ jimponi rekwiżiti fuq ix-xerrej relatati mal-mod li bih il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt għandhom jinbiegħu online. Ir-restrizzjonijiet relatati mal-użu ta’ kanali tal-bejgħ online partikolari, bħas-swieq online, jew l impożizzjoni ta’ standards tal-kwalità għall-bejgħ online jistgħu ġeneralment jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, irrispettivament mit-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, dment li ma jkollhomx indirettament l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ online ġeneralment ma jkollhomx tali oġġett meta x-xerrej jibqa’ liberu li jopera l-ħanut online tiegħu stess (131) u li jirreklama online (132). F’każijiet bħal dawn, ix-xerrej ma jkunx impedit milli jagħmel użu effettiv mill-internet sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ rekwiżiti relatati mal-bejgħ online li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament:

(a)

rekwiżiti maħsubin sabiex jiżguraw il-kwalità jew dehra partikolari tal-ħanut online tax-xerrej;

(b)

rekwiżiti rigward il-wiri tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt fil-ħanut online (bħan-numru minimu ta’ prodotti murijin, il-mod kif jintwerew it-trade marks jew il-marki tal-fornitur);

(c)

projbizzjoni diretta jew indiretta fuq l-użu ta’ swieq online (133);

(d)

rekwiżit li x-xerrej jopera ħanut fiżiku wieħed jew showroom fiżika waħda jew aktar, pereżempju bħala kundizzjoni sabiex isir membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-fornitur;

(e)

rekwiżit li x-xerrej ibigħ ammont assolut minimu tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt offline (f’valur jew f’volum, iżda mhux bħala proporzjon tal-bejgħ totali tiegħu) sabiex jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-ħanut fiżiku tiegħu. Dan ir-rekwiżit jista’ jkun l-istess għax-xerrejja kollha, jew jista’ jiġi stabbilit f’livell differenti għal kull xerrej, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħad-daqs tax-xerrej meta mqabbel ma’ xerrejja oħrajn, jew il-pożizzjoni ġeografika tiegħu.

(209)

Rekwiżit li x-xerrej iħallas prezz bl-ingrossa differenti għall-prodotti mibjugħin online milli għall-prodotti mibjugħin offline (ipprezzar doppju) jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, peress li jista’ jinċentiva jew jippremja livell xieraq ta’ investimenti fil-kanali ta’ bejgħ online jew offline, dment li ma jkollux l-għan li jillimita l-bejgħ f’territorji jew lil klijenti partikolari, kif previst fl-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2022/720 (134). Madankollu, meta d-differenza fil-prezz bl-ingrossa jkollha l-għan li tipprevjeni l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, hija tkun restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/720. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta d-differenza fil-prezz bl-ingrossa tagħmel il-bejgħ online mhux profittabbli jew finanzjarjament mhux sostenibbli (135), jew meta jintuża pprezzar doppju sabiex tiġi limitata l-kwantità ta’ prodotti magħmulin disponibbli lix-xerrej għall-bejgħ online (136). Min-naħa l-oħra, l-ipprezzar doppju jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 meta d-differenza fil-prezz bl-ingrossa tkun raġonevolment relatata mad-differenzi fl-investimenti u fl-ispejjeż imġarrbin mix-xerrej sabiex jagħmel il-bejgħ f’kull mezz. B’mod simili, il-fornitur jista’ jitlob prezz bl-ingrossa differenti għall-prodotti li jkunu se jinbiegħu permezz ta’ taħlita ta’ kanali offline u online, meta d-differenza fil-prezz tqis l-investimenti jew l-ispejjeż relatati ma’ dak it-tip ta’ distribuzzjoni. Il-partijiet jistgħu jaqblu dwar metodu xieraq sabiex jimplimentaw l-ipprezzar doppju, inkluż, pereżempju, ibbilanċjar ex post tal-kontijiet fuq il-bażi tal-bejgħ attwali.

(210)

Ir-restrizzjonijiet fuq ir-reklamar online jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, dment li ma jkollhomx l-għan li jipprevjenu l-użu ta’ kanali ta’ reklamar sħaħ mix-xerrej. Eżempji ta’ restrizzjonijiet fuq ir-reklamar online li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni jinkludu:

(a)

rekwiżit li r-reklamar online jissodisfa ċerti standards ta’ kwalità jew jinkludi kontenut jew informazzjoni speċifika;

(b)

rekwiżit li x-xerrej ma jużax is-servizzi ta’ fornituri partikolari ta’ reklamar online li ma jissodisfawx ċerti standards ta’ kwalità;

(c)

rekwiżit li x-xerrej ma jużax l-isem tal-marka tal-fornitur fl-isem tad-dominju tal-ħanut online tiegħu.

6.1.2.2.   Distinzjoni bejn “bejgħ attiv” u “bejgħ passiv”

(211)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720 jiddistingwi bejn ir-restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv u r-restrizzjonijiet tal-bejgħ passiv fil-kuntest ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni esklużiva. L-Artikolu 1(1) il-punti (l) u (m) tar-Regolament (UE) 2022/720 jipprovdi definizzjonijiet ta’ bejgħ attiv u passiv.

(212)

L-Artikolu 1(1), il-punt (m) tar-Regolament (UE) 2022/720 jistabbilixxi li, fil-każ ta’ bejgħ lil klijenti f’territorju jew fi grupp ta’ klijenti allokat b’mod esklużiv, il-bejgħ lil klijenti li ma tqegħdux fil-mira b’mod attiv mill-bejjiegħ huwa bejgħ passiv. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ ħanut online huwa forma ta’ bejgħ passiv, peress li huwa mezz li jippermetti lill-klijenti potenzjali jilħqu lill-bejjiegħ. L-operat ta’ ħanut online jista’ jkollu effetti li jestendu lil hinn miż-żona fiżika tan-negozjar tal-bejjiegħ, inkluż billi jippermettu xiri online minn klijenti li jinsabu f’territorji jew fi gruppi ta’ klijenti oħrajn. Madankollu, tali xiri (inkluża l-konsenja tal-prodotti) huwa bejgħ passiv, dment li l-bejjiegħ ma jkunx qed jimmira b’mod attiv lill-klijent speċifiku jew lit-territorju speċifiku jew lill-grupp ta’ klijenti li għalih jappartjeni l-klijent. L-istess japplika meta klijent jagħżel li jinżamm informat b’mod awtomatiku mill-bejjiegħ u tali informazzjoni twassal għal bejgħ. Bl-istess mod, l-użu tal-ottimizzazzjoni tal-magna tat-tiftix, jiġifieri għodod jew tekniki maħsubin sabiex itejbu l-viżibbiltà jew il-klassifikazzjoni tal-ħanut online fir-riżultati tal-magna tat-tiftix, jew l-offerta ta’ applikazzjoni f’ħanut tal-applikazzjonijiet, huma, bi prinċipju, mezzi li jippermettu lill-klijenti potenzjali jilħqu lill-bejjiegħ u, għalhekk, huma forom ta’ bejgħ passiv.

(213)

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(1), il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2022/720 jistabbilixxi li fil-każ ta’ bejgħ lil klijenti f’territorju jew fi grupp ta’ klijenti allokat esklużivament, l-offerta ta’ għażla tal-lingwa f’ħanut online li tkun differenti mil-lingwi użati b’mod komuni fit-territorju li fih ikun stabbilit il-bejjiegħ ġeneralment tindika li l-bejjiegħ qiegħed jimmira lejn it-territorju li fih il-lingwa tintuża b’mod komuni u, għalhekk, issarraf f’bejgħ attiv (137). Madankollu, l-offerta ta’ għażla tal-lingwa Ingliża f’ħanut online ma turix bħala tali li l-bejjiegħ qiegħed jimmira lejn territorji li jitkellmu bl-Ingliż, peress li l-Ingliż huwa mifhum u użat b’mod wiesa’ madwar l-Unjoni kollha. B’mod simili, l-istabbiliment ta’ ħanut online b’isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrespondi għal territorju għajr dak li fih ikun stabbilit il-bejjiegħ huwa forma ta’ bejgħ attiv f’dak it-territorju, filwaqt li l-offerta ta’ ħanut online b’isem ta’ dominju ġeneriku u mhux speċifiku għal pajjiż hija forma ta’ bejgħ passiv.

(214)

Skont l-Artikolu 1(1), il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2022/720, bejgħ attiv ifisser bejgħ li jirriżulta minn immirar attiv tal-klijenti permezz ta’ żjarat, ittri, posta elettronika, telefonati jew mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni diretta. Ir-reklamar jew il-promozzjonijiet immirati huma forma ta’ bejgħ attiv. B’mod partikolari, is-servizzi ta’ reklamar online spiss jippermettu lill-bejjiegħ jagħżel it-territorji jew il-klijenti li lilhom jintwera r-reklamar online. Dan huwa l-każ, pereżempju, għar-reklamar fuq il-magni tat-tiftix u għal reklamar online ieħor, pereżempju fuq siti web, fuq ħwienet tal-apps, fuq il-media soċjali, dment li s-servizz ta’ reklamar jippermetti lir-reklamatur jimmira lejn il-klijenti skont il-karatteristiċi partikolari tagħhom, inkluż il-post ġeografiku jew il-profil personali tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, meta l-bejjiegħ jindirizza r-reklamar online lejn klijenti fit-territorju tiegħu stess jew fi grupp ta’ klijenti u l-prevenzjoni tal-viżwalizzazzjoni ta’ tali reklamar minn klijenti f’territorji jew fi gruppi ta’ klijenti oħrajn ma tkunx possibbli, dan ikun forma ta’ bejgħ passiv. Eżempji ta’ tali reklamar ġenerali jinkludu kontenut sponsorjat fuq is-sit web ta’ gazzetta lokali jew nazzjonali li jista’ jiġi aċċessat minn kwalunkwe persuna li żżur dak is-sit web, jew l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet b’ismijiet ta’ dominju ġeneriċi u mhux speċifiċi għall-pajjiż. Min-naħa l-oħra, jekk tali reklamar ġenerali jsir b’lingwi li ma jintużawx b’mod komuni fit-territorju tal-bejjiegħ jew fuq siti web b’ismijiet ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondu għal territorji barra mit-territorju tal-bejjiegħ, dan jammonta għal bejgħ attiv f’dawk it-territorji l-oħrajn.

(215)

Il-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku hija forma ta’ bejgħ passiv, irrispettivament mit-tip tal-proċedura ta’ akkwist pubbliku (eż. proċedura miftuħa, proċedura ristretta jew oħrajn). Din il-kwalifika hija koerenti mal-finijiet tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku, li jinkludu l-iffaċilitar tal-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. B’riżultat ta’ dan, akkordju vertikali li jirrestrinġi l-kapaċità ta’ xerrej li jipparteċipa fl-akkwist pubbliku huwa restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2022/720. B’mod simili, it-tweġiba għal stediniet għal sejħiet għall-offerti maħruġin minn entitajiet mhux pubbliċi hija forma ta’ bejgħ passiv. Tali stediniet għal sejħiet għall-offerti huma forma ta’ talba ta’ klijent mhux mitluba indirizzata lil diversi bejjiegħa potenzjali u, għalhekk, is-sottomissjoni ta’ offerta bi tweġiba għal sejħa għall-offerti minn entità mhux pubblika hija forma ta’ bejgħ passiv.

6.1.2.3.   Restrizzjonijiet fundamentali relatati ma’ sistemi speċifiċi ta’ distribuzzjoni

(216)

L-Artikolu 4, il-punti (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2022/720 fih lista ta’ restrizzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet fundamentali li japplikaw skont it-tip ta’ sistema ta’ distribuzzjoni mħaddma mill-fornitur: distribuzzjoni esklużiva, distribuzzjoni selettiva jew distribuzzjoni ħielsa.

6.1.2.3.1.   Meta l-fornitur iħaddem sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva

(217)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna akkordji li, direttament jew indirettament, għandhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tat-territorju li fih jew tal-grupp ta’ klijenti li lilu, xerrej, li għalih kien allokat territorju jew grupp ta’ klijenti esklużiv, jista’ jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv.

(218)

Hemm ħames eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4 (b) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(219)

L-ewwel nett, l-Artikolu 4, il-punt (b)(i) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv minn distributur esklużiv f’territorju jew lil grupp ta’ klijenti allokat esklużivament għal massimu ta’ ħames xerrejja, jew riżervat għall-fornitur. Sabiex jiġu ppreservati l-inċentivi ta’ investiment tagħhom, il-fornitur jeħtieġlu jipproteġi lid-distributuri esklużivi minn bejgħ attiv, inkluż minn reklamar online mmirat, fit-territorju esklużiv tagħhom jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti tagħhom mix-xerrejja l-oħrajn kollha tal-fornitur.

(220)

L-inċentivi ta’ investiment tad-distributuri esklużivi jistgħu jiġu mminati wkoll mill-bejgħ attiv mill-klijenti tax-xerrejja l-oħrajn tal-fornitur. Għalhekk, l-Artikolu 4, il-punt (b)(i) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti wkoll lill-fornitur li jesiġi li x-xerrejja l-oħrajn tiegħu jirrestrinġu lill-klijenti diretti tagħhom milli jbigħu b’mod attiv f’territorji jew lil gruppi ta’ klijenti li l-fornitur ikun alloka esklużivament lil distributuri oħrajn jew irriżerva għalih stess. Madankollu, il-fornitur ma jistax jesiġi li xerrejja oħrajn bħal dawn jgħaddu r-restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv lill-klijenti aktar ’l isfel fil-katina tad-distribuzzjoni.

(221)

Il-fornitur jista’ jikkombina l-allokazzjoni ta’ territorju esklużiv u ta’ grupp ta’ klijenti esklużiv billi, pereżempju, jaħtar distributur esklużiv għal grupp ta’ klijenti partikolari f’territorju speċifiku.

(222)

Il-protezzjoni ta’ territorji jew ta’ gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament ma hijiex assoluta. Sabiex tiġi evitata l-kompartimentalizzazzjoni tas-suq, il-bejgħ passiv f’tali territorji jew lil tali gruppi ta’ klijenti ma jistax jiġi ristrett. L-Artikolu 4, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/720 japplika biss għar-restrizzjonijiet imposti fuq ix-xerrej. Il-fornitur jista’ għalhekk jaċċetta restrizzjonijiet fuq il-bejgħ minnu nnifsu, kemm online kif ukoll offline, fit-territorju esklużiv jew lil xi wħud mill-klijenti jew lill-klijenti kollha li jappartjenu għal grupp esklużiv ta’ klijenti. Madankollu, xi restrizzjonijiet ta’ bejgħ passiv lil utenti finali f’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun null u bla effett skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (138).

(223)

It-tieni, l-Artikolu 4, il-punt (b)(ii) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lil fornitur li jopera sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva f’ċertu territorju u sistema ta’ distribuzzjoni selettiva f’territorju ieħor sabiex jirrestrinġi lid-distributuri esklużivi tiegħu milli jbigħ b’mod attiv jew passiv lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu fit-territorju li fih il-fornitur diġà jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew li huwa rriżerva għat-tħaddim ta’ tali sistema. Il-fornitur jista’ jirrikjedi wkoll li d-distributuri esklużivi tiegħu jirrestrinġu bl-istess mod lill-klijenti tagħhom milli jagħmlu bejgħ attiv u passiv lil distributuri mhux awtorizzati f’territorji li fih il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew li huwa rriżervat għal dak l-għan. Il-kapaċità li r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv jingħaddew aktar ’l isfel fil-katina tad-distribuzzjoni f’dan ix-xenarju hija maħsuba sabiex tipproteġi n-natura magħluqa tas-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva.

(224)

It-tielet, l-Artikolu 4, il-punt (b)(iii) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lil fornitur jirrestrinġi l-post ta’ stabbiliment tax-xerrej li lilu alloka territorju esklużiv jew grupp esklużiv ta’ klijenti (“klawżola tal-lokalità”). Dan ifisser li l-fornitur jista’ jirrikjedi li x-xerrej jirrestrinġi l-ħwienet u l-imħażen ta’ distribuzzjoni tiegħu għal indirizz, għal post jew għal territorju partikolari. Fir-rigward ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni mobbli, l-akkordju jista’ jispeċifika żona li barra minnha ma jkunx jista’ jitħaddem il-ħanut. Madankollu, l-istabbiliment u l-użu ta’ ħanut online mid-distributur ma humiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ ħanut fiżiku u, għalhekk, ma jistgħux jiġu ristretti (139).

(225)

Ir-raba’, l-Artikolu 4, il-punt (b)(iv) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lil fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv u passiv minn bejjiegħ bl-ingrossa esklużiv lill-utenti finali, u b’hekk il-fornitur ikun jista’ jżomm il-livelli tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut separati. Din l-eċċezzjoni tinkludi li l-bejjiegħ bl-ingrossa jitħalla jbigħ lil ċerti utenti finali (pereżempju, lil xi ftit utenti kbar), filwaqt li jkun ipprojbit il-bejgħ lill-utenti finali l-oħrajn kollha (140).

(226)

Il-ħames, l-Artikolu 4, il-punt (b)(v) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lil fornitur jirrestrinġi l-kapaċità tad-distributur li jbiegħ komponenti, b’mod attiv jew passiv, forniti bil-għan ta’ inkorporazzjoni, lil kompetituri tal-fornitur, li min-naħa tagħhom jużawhom sabiex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ prodotti bħal dawk prodotti mill-fornitur. It-terminu “komponent” jinkludi kwalunkwe oġġett intermedju u t-terminu “inkorporazzjoni” jirreferi għall-użu ta’ kwalunkwe input għall-produzzjoni ta’ prodotti.

6.1.2.3.2.   Fejn il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva

(227)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (c)(i) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna akkordji li, direttament jew indirettament, ikollhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tat-territorju li fih jew il-gruppi ta’ klijenti li lilhom il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva (“distributuri awtorizzati”) jistgħu jbigħu b’mod attiv jew passiv il-prodotti jew is-servizz tal-kuntratt. Dan jinkludi restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utent finali impost minn fornitur fuq distributuri awtorizzati li joperaw fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut.

(228)

Hemm ħames eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4, il-punt (c)(i) tar-Regolament (UE) 2022/720 .

(229)

L-ewwel eċċezzjoni tikkonċerna r-restrizzjoni tal-ħila tad-distributuri awtorizzati li jbigħu barra mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Tippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv, inkluż ir-reklamar online mmirat, minn distributuri awtorizzati f’territorji oħrajn jew lil gruppi ta’ klijenti li huma allokati esklużivament lil distributuri oħrajn jew riżervati għall-fornitur. Il-fornitur jista’ wkoll jirrikjedi li d-distributuri awtorizzati jimponu tali restrizzjonijiet permessi ta’ bejgħ attiv fuq il-klijenti diretti tagħhom. Madankollu, il-protezzjoni ta’ tali territorji jew gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament ma hijiex assoluta, peress li l-fornitur ma jistax jirrestrinġi l-bejgħ passiv f’tali territorji jew lil tali gruppi ta’ klijenti.

(230)

It-tieni eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur jirrestrinġi lid-distributuri awtorizzati tiegħu u lill-klijenti tagħhom milli jagħmlu bejgħ attiv jew passiv lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu fi kwalunkwe territorju fejn il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.

(231)

It-tielet eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur jimponi klawżola tal-lokalità fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu, sabiex ma jħallihomx joperaw in-negozju tagħhom minn bini differenti jew jiftħu ħanut ġdid f’post differenti. Dan jimplika li l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 ma jintilifx jekk id-distributur jaqbel li jirrestrinġi l-ħwienet ta’ distribuzzjoni u l-imħażen tiegħu għal indirizz, għal post jew għal territorju partikolari. Fir-rigward ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni mobbli, l-akkordju jista’ jispeċifika żona li barra minnha ma jkunx jista’ jitħaddem il-ħanut. Madankollu, l-istabbiliment u l-użu mid-distributur ta’ ħanut online ma humiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ ħanut fiżiku u, għalhekk, ma jistgħux jiġu ristretti (141).

(232)

Ir-raba’ eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv u passiv minn bejjiegħ bl-ingrossa awtorizzat lill-utenti finali, u b’hekk tippermetti lill-fornitur iżomm il-livelli tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut separati. Din l-eċċezzjoni tinkludi li l-bejjiegħ bl-ingrossa jitħalla jbigħ lil ċerti utenti finali (pereżempju, lil xi ftit utenti kbar), filwaqt li jkun ipprojbit il-bejgħ lill-utenti finali l-oħrajn kollha (142).

(233)

Il-ħames eċċezzjoni tippermetti lill-fornitur li jirrestrinġi l-kapaċità tad-distributur li jbiegħ komponenti, b’mod attiv jew passiv, forniti bil-għan ta’ inkorporazzjoni, lil kompetituri tal-fornitur, li min-naħa tagħhom jużawhom sabiex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ prodotti bħal dawk prodotti mill-fornitur. It-terminu “komponent” jinkludi kwalunkwe oġġett intermedju u t-terminu “inkorporazzjoni” jirreferi għall-użu ta’ kwalunkwe input għall-produzzjoni ta’ prodotti.

(234)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (c)(iii) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna r-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv ta’ membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut lill-utenti finali. Dan ifisser li l-fornitur ma jistax jirrestrinġi lid-distributuri awtorizzati tiegħu milli jbigħu lil utenti finali, jew lil aġenti tax-xiri li jaġixxu f’isem l-utenti finali, ħlief meta tali utenti finali jkunu jinsabu f’territorju jew jappartjenu lil grupp ta’ klijenti li jkun ġie allokat esklużivament lil distributur ieħor jew riżervat għall-fornitur f’territorju li fih il-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva (ara l-Artikolu 4, il-punt (c)(i)(1) tar-Regolament u l-paragrafu (229)). Dan lanqas ma jeskludi l-possibbiltà li d-distributuri awtorizzati jiġu pprojbiti milli joperaw minn post ta’ stabbiliment mhux awtorizzat (ara l-Artikolu 4, il-punt (c)(i)(3) tar-Regolament u l-paragrafu (231) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(235)

Fornitur li jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jista’ jagħżel id-distributuri awtorizzati tiegħu fuq il-bażi ta’ kriterji kwalitattivi u/jew kwantitattivi. Kwalunkwe kriterju kwalitattiv ġeneralment irid jiġi stabbilit kemm għall-kanali online kif ukoll għal dawk offline. Madankollu, meta jitqies li l-kanali online u offline għandhom karatteristiċi differenti, fornitur li jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jista’ jimponi fuq il-kriterji tad-distributuri awtorizzati tiegħu għall-bejgħ online li ma humiex ekwivalenti għal dawk imposti għall-bejgħ fil-ħwienet tal-bejgħ bl-ingrossa, dment li r-rekwiżiti imposti għall-bejgħ online ma jkollhomx indirettament l-għan li jipprevjenu l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari. Pereżempju, fornitur jista’ jimponi rekwiżiti sabiex jiżgura ċerti standards tal-kwalità għall-bejgħ online, bħal rekwiżiti ta’ twaqqif u ta’ operat ta’ helpdesk online ta’ wara l-bejgħ; rekwiżit li jiġu koperti l-ispejjeż tal-klijenti li jirritornaw prodotti mixtrijin, jew l-użu ta’ sistemi ta’ ħlas siguri. Bl-istess mod, fornitur jista’ jiddefinixxi kriterji differenti relatati mal-iżvilupp sostenibbli għall-kanali ta’ bejgħ online u offline. Pereżempju, fornitur jista’ jeħtieġ ħwienet tal-bejgħ ekoresponsabbli jew l-użu ta’ servizzi ta’ konsenja li jużaw roti ekoloġiċi.

(236)

Il-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ distribuzzjoni esklużiva fl-istess territorju ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, inkluż meta l-fornitur japplika distribuzzjoni esklużiva fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa u distribuzzjoni selettiva fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut. Dan għaliex kombinazzjoni bħal din tkun teħtieġ li d-distributuri awtorizzati jaċċettaw restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (b) jew (c) tar-Regolament (UE) 2022/720, pereżempju, restrizzjonijiet fuq bejgħ attiv f’territorji jew lil klijenti li ma jkunux ġew allokati esklużivament, restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali (143), jew restrizzjonijiet ta’ cross-supplies bejn id-distributuri awtorizzati (144). Madankollu, il-fornitur jista’ jimpenja ruħu li jforni biss lil ċerti distributuri awtorizzati, pereżempju f’ċerti partijiet tat-territorju li fih titħaddem is-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, jew jista’ jimpenja ruħu li ma jagħmel l-ebda bejgħ dirett huwa stess f’dak it-territorju (145). Skont it-tielet eċċezzjoni tal-Artikolu 4, il-punt (c)(i) tar-Regolament (UE) 2022/720, il-fornitur jista’ wkoll jimponi klawżola tal-lokalità fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu.

(237)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (c)(ii) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna r-restrizzjoni ta’ cross-supplies bejn distributuri awtorizzati fis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. Dan ifisser li l-fornitur ma jistax jimpedixxi bejgħ attiv jew passiv bejn id-distributuri awtorizzati tiegħu, li jeħtiġilhom jibqgħu liberi li jixtru l-prodotti tal-kuntratt mingħand distributuri awtorizzati oħrajn fi ħdan in-network, li joperaw jew fl-istess livell jew f’livell differenti tal-kummerċ (146). Konsegwentement, id-distribuzzjoni selettiva ma tistax tiġi kkombinata ma’ restrizzjonijiet vertikali li jkollhom l-għan li jisfurzaw lid-distributuri jixtru l-prodotti tal-kuntratt esklużivament minn sors partikolari. Dan ifisser ukoll li, f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-fornitur ma jistax jirrestrinġi l-bejgħ minn bejjiegħa bl-ingrossa awtorizzati lil distributuri awtorizzati.

6.1.2.3.3.   Meta l-fornitur jopera sistema ta’ distribuzzjoni ħielsa

(238)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna akkordji jew prattiki miftiehma li, direttament jew indirettament, ikollhom bħala l-għan tagħhom ir-restrizzjoni tat-territorju jew tal-klijenti li fih/li lilhom xerrej f’sistema ta’ distribuzzjoni libera jista’ jbigħ b’mod attiv jew passiv il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt (147).

(239)

Hemm ħames eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 4(d) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(240)

L-ewwel nett, l-Artikolu 4, il-punt (d)(i) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-fornitur jirrestrinġi l-bejgħ attiv, inkluż ir-reklamar online mmirat, mix-xerrej f’territorji jew lejn gruppi ta’ klijenti allokati esklużivament lil xerrejja oħrajn jew riżervati għall-fornitur. Il-fornitur jista’ jirrikjedi wkoll li x-xerrej jimponi tali restrizzjonijiet permessi ta’ bejgħ attiv fuq il-klijenti diretti tax-xerrej. Madankollu, il-protezzjoni ta’ tali territorji allokati esklużivament jew ta’ tali gruppi ta’ klijenti ma hijiex assoluta, peress li l-fornitur ma jistax jirrestrinġi l-bejgħ passiv f’tali territorji jew lil tali gruppi ta’ klijenti.

(241)

It-tieni, l-Artikolu 4, il-punt (d)(ii) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-fornitur jirrestrinġi lix-xerrej u li jeħtieġ li x-xerrej jirrestrinġi lill-klijenti tiegħu milli jbigħu b’mod attiv jew passiv lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju fejn il-fornitur iħaddem sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jew li l-fornitur ikun irriżerva għat-tħaddim ta’ tali sistema. Ir-restrizzjoni tista’ tkopri l-bejgħ attiv jew passiv fi kwalunkwe livell ta’ kummerċ.

(242)

It-tielet, l-Artikolu 4, il-punt (d)(iii) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-fornitur jimponi klawżola tal-lokalità fuq ix-xerrej, sabiex jirrestrinġi l-post ta’ stabbiliment tiegħu. Dan ifisser li l-fornitur jista’ jirrikjedi li x-xerrej jirrestrinġi l-ħwienet u l-imħażen ta’ distribuzzjoni tiegħu għal indirizz, għal post jew għal territorju partikolari. Fir-rigward ta’ ħwienet ta’ distribuzzjoni mobbli, l-akkordju jista’ jispeċifika żona li barra minnha ma jkunx jista’ jitħaddem il-ħanut. Madankollu, l-istabbiliment u l-użu mix-xerrej ta’ ħanut online ma humiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ ħanut fiżiku u, għalhekk, ma jistgħux jiġu ristretti (148).

(243)

Ir-raba’, l-Artikolu 4, il-punt (d)(iv) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-fornitur li jirrestrinġi l-bejgħ attiv u passiv minn bejjiegħ bl-ingrossa lill-utenti finali, u b’hekk il-fornitur ikun jista’ jżomm il-livelli tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut separati. Din l-eċċezzjoni tinkludi li l-bejjiegħ bl-ingrossa jitħalla jbigħ lil ċerti utenti finali (pereżempju, lil ċerti utenti kbar), filwaqt li jkun ipprojbit milli jbigħ lil utenti finali oħra (149).

(244)

Il-ħames, l-Artikolu 4, il-punt (d)(v) tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-fornitur li jirrestrinġi l-kapaċità tax-xerrej li jbiegħ komponenti, b’mod attiv jew passiv, forniti bil-għan ta’ inkorporazzjoni, lil kompetituri tal-fornitur, li min-naħa tagħhom jużawhom sabiex jimmanifatturaw l-istess tip ta’ prodotti bħal dawk prodotti mill-fornitur. It-terminu “komponent” jinkludi kwalunkwe oġġett intermedju u t-terminu “inkorporazzjoni” jirreferi għall-użu ta’ kwalunkwe input għall-produzzjoni ta’ prodotti.

6.1.3.   Restrizzjonijiet tal-bejgħ ta’ spare parts

(245)

Ir-restrizzjoni fundamentali stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2022/720 tikkonċerna l-akkordji li jimpedixxu jew jirrestrinġu lil utenti finali, lil sewwejja indipendenti, lil bejjiegħa bl-ingrossa u lil fornituri ta’ servizzi milli jiksbu spare parts direttament mingħand il-manifattur ta’ dawk l-ispare parts. Akkordju bejn manifattur tal-ispare parts u xerrej li jinkorpora dawk il-parts fil-prodotti tiegħu stess, bħal manifatturi ta’ tagħmir oriġinali (“OEMs”) ma jistax, direttament jew indirettament, jipprevjeni jew jirrestrinġi l-bejgħ mill-manifattur ta’ dawk l-ispare parts lil utenti finali, lil sewwejja indipendenti, lil bejjiegħa bl-ingrossa jew lil fornituri ta’ servizzi. Jistgħu jinħolqu restrizzjonijiet indiretti partikolarment meta l-manifattur tal-ispare parts ikun ristrett fil-forniment ta’ informazzjoni teknika u ta’ tagħmir speċjali, li huma meħtieġa għall-użu tal-ispare parts minn utenti finali, minn sewwejja indipendenti jew minn fornituri ta’ servizzi. Madankollu, l-akkordju jista’ jqiegħed restrizzjonijiet fuq il-forniment tal-ispare parts lis-sewwejja jew lill-fornituri ta’ servizzi fdati mill-OEM bit-tiswija jew bil-manutenzjoni tal-prodotti tiegħu stess. Dan ifisser ukoll li l-OEM jista’ jesiġi li n-network ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni tiegħu jixtri l-ispare parts mingħandu stess jew mingħand membri oħrajn tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tiegħu, fejn huwa jħaddem tali sistema.

6.2.   Restrizzjonijiet li huma esklużi mir-Regolament (UE) 2022/720

(246)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2022/720 jeskludi ċerti obbligi li jinsabu f’akkordji vertikali mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija, irrispettivament minn jekk il-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament jinqabiżx jew le. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tar-Regolament jistabbilixxi l-obbligi li għalihom ma jistax jiġi preżunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Minkejja dan, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-obbligi elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-esklużjoni ta’ dawn l-obbligi mill-eżenzjoni ta’ kategorija tfisser biss li huma soġġetti għal valutazzjoni individwali skont l-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720, l-esklużjoni ta’ obbligu mill-eżenzjoni ta’ kategorija skont l-Artikolu 5 tar-Regolament hija limitata għall-obbligu speċifiku, dment li l-obbligu inkwistjoni jkun jista’ jiġi sseparat mill-bqija tal-akkordju vertikali. F’dak il-każ, il-bqija tal-akkordju vertikali jkompli jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

6.2.1.   Obbligi li ma ssirx kompetizzjoni ta’ tul ta’ żmien itwal minn ħames snin

(247)

Skont l-Artikolu 5(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720, obbligi li ma ssirx kompetizzjoni għal tul ta’ żmien itwal minn ħames snin huma eskluż mill-eżenzjoni ta’ kategorija. L-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, kif definit fl-Artikolu 1(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2022/720, huwa arranġament li jikkawża lix-xerrej jixtri aktar minn 80 % tax-xiri totali tax-xerrej tal-prodotti u s-servizzi tal-kuntratt u tas-sostituti tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti mill-fornitur jew minn impriża oħra ddeżinjata mill-fornitur. Dan ifisser li x-xerrej ma jistax jixtri prodotti jew servizzi f’kompetizzjoni ma’ xulxin jew li tali xiri huwa limitat għal anqas minn 20 % tax-xiri totali tiegħu. Jekk ma tkun disponibbli l-ebda data rilevanti għax-xiri tax-xerrej fis-sena kalendarja ta’ qabel il-konklużjoni tal-akkordju vertikali, minflok tista’ tintuża l-aħjar stima tax-xerrej tar-rekwiżiti totali annwali tiegħu. Madankollu, id-data attwali dwar ix-xiri għandha tintuża hekk kif tkun disponibbli.

(248)

L-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija jekk it-tul ta’ żmien tiegħu jkun indefinit jew itwal minn ħames snin. L-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni li jista’ jiġġedded b’mod taċitu wara perjodu ta’ ħames snin jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija, dment li x-xerrej ikun jista’ jinnegozja mill-ġdid jew jittermina b’mod effettiv l-akkordju vertikali li fih l-obbligu b’perjodu ta’ avviż raġonevoli u bi spiża raġonevoli, biex b’hekk ix-xerrej ikun jista’ effettivament ibiddel il-fornitur tiegħu wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin. Jekk, pereżempju, l-akkordju vertikali fih obbligu li ma ssirx kompetizzjoni ta’ tul ta’ żmien ta’ ħames snin u l-fornitur jipprovdi self lix-xerrej, ir-ripagament ta’ dak is-self ma jistax ifixkel lix-xerrej milli jittermina b’mod effettiv l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. B’mod simili, meta l-fornitur jipprovdi lix-xerrej b’tagħmir li ma jkunx speċifiku għar-relazzjoni, ix-xerrej għandu jkollu l-possibbilità li jieħu f’idejh it-tagħmir bil-valur tal-assi tiegħu fis-suq ladarba jiskadi l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni.

(249)

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2022/720, il-limitazzjoni tal-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni għal tul ta’ żmien ta’ ħames snin ma japplikax meta l-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt jinbiegħu mill-ġdid mix-xerrej minn bini u minn art li huma proprjetà tal-fornitur jew meħudin b’lokazzjoni mill-fornitur mingħand partijiet terzi mhux konnessi max-xerrej. F’każijiet bħal dawk, l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jiġi impost għal tul ta’ żmien itwal, dment li ma jkunx itwal mill-perjodu li matulu ix-xerrej jokkupa l-punt tal-bejgħ. Ir-raġuni għal din l-eċċezzjoni hija li ġeneralment ma jkunx raġonevoli li fornitur ikun mistenni li jippermetti prodotti kompetituri jinbiegħu minn bini u minn art li jkunu proprjetà tiegħu mingħajr il-permess tiegħu. B’analoġija, l-istess prinċipji japplikaw meta x-xerrej jopera minn ħanut mobbli li jkun proprjetà tal-fornitur jew mikri minnu mingħand partijiet terzi mhux konnessi max-xerrej. Kostruzzjonijiet artifiċjali ta’ dritt ta’ proprjetà, bħal trasferiment mid-distributur tad-drittijiet ta’ proprjetà tiegħu fuq l-art u fuq il-bini lill-fornitur għal perjodu limitat biss, bil-ħsieb li jiġi evitat il-limitu ta’ ħames snin, ma jistgħux jibbenefikaw minn din l-eċċezzjoni.

6.2.2.   Obbligu li ma ssirx kompetizzjoni wara l-iskadenza tal-akkordju

(250)

Skont l-Artikolu 5(1), il-punt (b) flimkien mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2022/720, l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni wara l-iskadenza tal-akkordju impost fuq ix-xerrej huwa eskluż mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-obbligu jkun indispensabbli sabiex jiġi protett l-għarfien espert trasferit mill-fornitur lix-xerrej;

(b)

ikun limitat għall-punt tal-bejgħ li minnu x-xerrej ikun opera matul il-perjodu tal-kuntratt;

(c)

ikun limitat għal perjodu massimu ta’ sena (1).

(251)

L-għarfien espert ikkonċernat irid ikun sigriet, sostanzjali u identifikat fis-sens tal-Artikolu 1, il-punt (1)(j) tar-Regolament (UE) 2022/720, b’mod partikolari jrid jinkludi informazzjoni li tkun sinifikanti u utli għax-xerrej għall-użu, għall-bejgħ jew għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt.

6.2.3.   Obbligu li ma ssirx kompetizzjoni imposti fuq membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva

(252)

L-Artikolu 5(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2022/720 jikkonċerna l-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi kompetituri f’sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tapplika għall-kombinazzjoni ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, li bih id-distributuri awtorizzati jkunu meħtieġa li ma jbigħux mill-ġdid marki kompetituri. Madankollu, jekk il-fornitur jimpedixxi lid-distributuri awtorizzati tiegħu, direttament jew indirettament, milli jixtru prodotti intiżi għall-bejgħ mill-ġdid mingħand fornitur kompetitur speċifiku wieħed jew aktar, tali obbligu jkun eskluż mill-eżenzjoni ta’ kategorija. Il-ħsieb wara din l-esklużjoni huwa sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha numru ta’ fornituri li jużaw l-istess ħwienet ta’ distribuzzjoni selettiva jimpedixxu lil kompetitur speċifiku wieħed jew aktar milli juża(w) dawk il-ħwienet sabiex jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom. Tali xenarju jista’ jammonta għall-esklużjoni ta’ fornitur kompetitur permezz ta’ forma ta’ bojkott kollettiv.

6.2.4.   Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra

(253)

Ir-raba’ esklużjoni mill-eżenzjoni ta’ kategorija, li hija stabbilita fl-Artikolu 5(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/720, tikkonċerna l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra imposti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, primarjament obbligi diretti jew indiretti li jwasslu sabiex ix-xerrejja tat-tali servizzi ma joffrux, ma jbigħux jew ma jbigħux mill-ġdid prodotti jew servizzi lill-utenti finali taħt kundizzjonijiet aktar favorevoli permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online kompetituri. Il-kundizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw il-prezzijiet, l-inventarju, id-disponibbiltà jew kwalunkwe terminu jew kundizzjoni oħra tal-offerta jew tal-bejgħ. L-obbligu ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut minn klawżola kuntrattwali jew b’miżuri diretti jew indiretti oħrajn, inkluż l-użu ta’ pprezzar differenzjali jew ta’ inċentivi li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-kundizzjonijiet li bihom ix-xerrej tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online joffri prodotti jew servizzi lill-utenti finali permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online kompetituri. Pereżempju, meta l-fornitur tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jagħmel l-offerta ta’ viżibbiltà aħjar għall-prodotti jew għas-servizzi tax-xerrej fuq is-sit web tal-fornitur jew l-applikazzjoni ta’ rata ta’ kummissjoni aktar baxxa dipendenti fuq l-għoti, min-naħa tax-xerrej, tal-parità tal-kundizzjonijiet f’paragun ma’ fornituri kompetituri ta’ tali servizzi, dan jammonta għal obbligu ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra.

(254)

It-tipi l-oħrajn kollha ta’ obbligu ta’ parità jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720. Dan jinkludi, pereżempju:

(a)

l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut relatati mal-kanali ta’ bejgħ dirett tax-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (l-hekk imsejħa obbligi “ristretti” ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut);

(b)

l-obbligi ta’ parità relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti jew is-servizzi jiġu offruti lil impriżi li ma humiex utenti finali;

(c)

l-obbligi ta’ parità relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-manifatturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa jew il-bejjiegħa bl-imnut jixtru prodotti jew servizzi bħala inputs (obbligi ta’ “klijent l-aktar favorit”).

(255)

It-Taqsima 8.2.5. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-obbligi ta’ parità f’każijiet individwali li fihom ma japplikax ir-Regolament (UE) 2022/720.

7.   L-IRTIRAR U S-SOSPENSJONI TAL-APPLIKAZZJONI

7.1.   L-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720

(256)

Kif iddikjarat fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, jekk hija ssib li, f’każ partikolari, akkordju vertikali li għalih japplika r-Regolament (UE) 2022/720 ikollu ċerti effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, jekk, kif iddikjarat fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2022/720, f’każ partikolari, akkordju vertikali jkollu effetti inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’parti minnu, li jkollha l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint, l-NCA ta’ dak l-Istat Membru tista’ tirtira wkoll il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma jsemmix il-qrati tal-Istati Membri li, għalhekk, ma għandhom l-ebda setgħa li jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 (150), sakemm il-qorti kkonċernata ma tkunx awtorità tal-kompetizzjoni nominata ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(257)

Il-Kummissjoni u l-NCAs jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 f’żewġ xenarji. L-ewwel nett, jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 jekk akkordju vertikali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat ikollu effetti f’iżolament fuq is-suq rilevanti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. It-tieni, kif imsemmi fil-premessa 20 tar-Regolament (UE) 2022/720, jistgħu jirtiraw ukoll il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 jekk l-akkordju vertikali jkollu dawk l-effetti flimkien ma’ akkordji simili konklużi minn fornituri jew minn xerrejja kompetituri. Dan għaliex networks paralleli ta’ akkordji vertikali simili jistgħu jipproduċu effetti antikompetittivi kumulattivi li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Ir-restrizzjoni tal-aċċess għas-suq rilevanti u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fih huma eżempji ta’ tali effetti kumulattivi li jistgħu jiġġustifikaw l-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 (151).

(258)

In-networks paralleli ta’ akkordji vertikali għandhom jitqiesu simili jekk ikun fihom l-istess tip ta’ restrizzjonijiet li jipproduċu effetti simili fis-suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu jinħolqu, pereżempju, fil-każ ta’ obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, ta’ distribuzzjoni selettiva jew ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni.

(259)

Fir-rigward tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut relatati mal-kanali ta’ bejgħ dirett (obbligi ristretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut), l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/720 jipprevedi li l-benefiċċju tar-Regolament jista’ jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, b’mod partikolari meta s-suq rilevanti għall-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun ikkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ tali servizzi tkun ristretta mill-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji simili li jirrestrinġu lix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online milli joffru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid prodotti jew servizzi lil utenti finali b’kundizzjonijiet aktar favorevoli fuq il-kanali ta’ bejgħ dirett tagħhom. Aktar gwida dwar dak ix-xenarju hija pprovduta fit-Taqsima 8.2.5.2.

(260)

Fir-rigward tad-distribuzzjoni selettiva, tista’ teżisti sitwazzjoni ta’ networks paralleli simili biżżejjed jekk, f’suq partikolari, ċerti fornituri japplikaw distribuzzjoni selettiva purament kwalitattiva, filwaqt li fornituri oħrajn japplikaw distribuzzjoni selettiva kwantitattiva, b’effetti simili fis-suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu jinħolqu wkoll meta, f’suq partikolari, in-networks ta’ distribuzzjoni selettiva paralleli jużaw kriterji kwalitattivi li jeskludu lid-distributuri. F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-valutazzjoni trid tqis l-effetti antikompetittivi li jistgħu jkunu attribwibbli lil kull network individwali ta’ akkordji. Fejn xieraq, l-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 jista’ jkun limitat għal kriterji kwalitattivi partikolari jew għal kriterji kwantitattivi partikolari li, pereżempju, jillimitaw in-numru ta’ distributuri awtorizzati.

(261)

Ir-responsabbiltà għal effett kumulattiv antikompetittiv tista’ tkun attribwita biss lil dawk l-impriżi li jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti għalih. L-akkordji konklużi minn impriżi li l-kontribuzzjoni tagħhom għall-effett kumulattiv tkun insinifikanti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (152). Għalhekk, ma humiex soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ rtirar (153).

(262)

Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq il-bażi ta’ lment. Dan jinkludi l-possibbiltà li l-NCAs jitolbu lill-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 f’każ partikolari, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-każijiet u l-assistenza fi ħdan in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (“NEK”) (154), u mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ rtirar tagħhom stess skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Jekk tal-anqas tliet NCAs jitolbu lill-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) 1/2003 f’każ partikolari, il-Kummissjoni tiddiskuti l-każ fil-qafas tan-NEK. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tqis bis-sħiħ il-fehmiet tal-NCAs li talbu lill-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 sabiex tasal għal konklużjoni f’waqtha dwar jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet għal irtirar fil-każ speċifiku.

(263)

Mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 isegwi li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 fl-Unjoni kollha, fis-sens li tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 fir-rigward tal-akkordji vertikali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni f’suq ġeografiku rilevanti li jkun usa’ mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, filwaqt li NCA tista’ tirtira biss il-benefiċċju tar-Regolament b’rabta mat-territorju tal-Istat Membru tagħha.

(264)

Għalhekk, is-setgħa ta’ rtirar ta’ NCA individwali tirrigwarda każijiet li fihom is-suq rilevanti jkopri Stat Membru wieħed, jew reġjun li jinsab esklużivament fi Stat Membru wieħed, jew f’parti minnu. F’każ bħal dan, l-NCA ta’ dak l-Istat Membru għandha l-kompetenza li tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 b’rabta ma’ akkordju vertikali li għandu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat f’dak is-suq nazzjonali jew reġjonali. Din hija kompetenza konkorrenti, hekk kif l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 b’rabta ma’ suq nazzjonali jew reġjonali, dment li l-akkordju vertikali kkonċernat jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(265)

Meta jkunu kkonċernati diversi swieq nazzjonali jew reġjonali separati, diversi NCAs kompetenti jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 b’mod parallel.

(266)

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 isegwi li, fejn il-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720, il-Kummissjoni għandha l-oneru tal-provi li turi, l-ewwel nett, li l-akkordju vertikali kkonċernat jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (155). It-tieni, il-Kummissjoni trid tagħti prova li l-akkordju għandu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li jfisser li l-akkordju jonqos milli jissodisfa tal-anqas waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat (156). Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, japplikaw l-istess rekwiżiti meta NCA tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 fir-rigward tat-territorju tal-Istat Membru tagħha. B’mod partikolari, fir-rigward tal-oneru tal-provi li t-tieni rekwiżit huwa ssodisfat, l-Artikolu 29 jesiġi li l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti tissostanzja li tal-anqas waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma hijiex issodisfata (157).

(267)

Jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ikunu ssodisfati, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 f’każ individwali. Tali rtirar, u r-rekwiżiti tiegħu kif stabbiliti f’din it-taqsima, iridu jiġu distinti mis-sejbiet ta’ deċiżjoni ta’ ksur tal-Kummissjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Madankollu, irtirar jista’ jiġi kkombinat, pereżempju, mas-sejba ta’ ksur u mal-impożizzjoni ta’ rimedju, u saħansitra ma’ miżuri interim (158).

(268)

Jekk il-Kummissjoni tirtira l-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720 skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-irtirar ikollu effetti ex nunc biss, li jfisser li l-istatus ta’ eżenzjoni tal-akkordji kkonċernati jibqa’ mhux affettwat għall-perjodu ta’ qabel id-data li fiha l-irtirar isir effettiv. Fil-każ ta’ rtirar skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-NCA kkonċernata jeħtiġilha tqis ukoll l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, b’mod partikolari l-obbligu tagħha li tipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni prevista rilevanti.

7.2.   Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720

(269)

F’konformità mal-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 jippermetti lill-Kummissjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, permezz ta’ regolament, networks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili fejn it-tali networks ikopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti. Tali regolament ma jiġix indirizzat lil impriżi individwali iżda jikkonċerna lill-impriżi kollha li l-akkordji tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolament magħmul skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720. Meta tiġi vvalutata l-ħtieġa li jiġi adottat tali regolament, il-Kummissjoni tikkunsidra jekk irtirar individwali jkunx rimedju aktar xieraq. In-numru ta’ impriżi kompetituri li jikkontribwixxu għal effett kumulattiv f’suq u n-numru ta’ swieq ġeografiċi affettwati fl-Unjoni huma żewġ aspetti li huma partikolarment rilevanti għal dik il-valutazzjoni.

(270)

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-adozzjoni ta’ regolament skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 jekk restrizzjonijiet simili li jkopru aktar minn 50 % tas-suq rilevanti x’aktarx jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-aċċess għal dak is-suq jew il-kompetizzjoni fih. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta n-networks ta’ distribuzzjoni selettiva paralleli li jkopru aktar minn 50 % ta’ suq x’aktarx li joħolqu esklużjoni mis-suq minħabba l-użu ta’ kriterji tal-għażla li ma jkunux meħtieġa min-natura tal-prodotti jew tas-servizzi rilevanti jew li jiddiskriminaw kontra ċerti forom ta’ distribuzzjoni ta’ tali prodotti jew servizzi. Sabiex jiġi kkalkolat il-proporzjon ta’ kopertura tas-suq ta’ 50 %, irid jittieħed kont ta’ kull network individwali ta’ akkordji vertikali li jkun fihom restrizzjonijiet, jew kombinazzjonijiet ta’ restrizzjonijiet li jipproduċu effetti simili fis-suq. Madankollu, l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 ma jirrikjedix li l-Kummissjoni tadotta regolament bħal dan meta jinqabeż il-proporzjon ta’ kopertura tas-suq ta’ 50 %.

(271)

L-effett ta’ regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 huwa li r-Regolament (UE) 2022/720 ma jibqax applikabbli fir-rigward tar-restrizzjonijiet u tas-swieq ikkonċernati, u, għalhekk, l-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat japplika bis-sħiħ.

(272)

Kwalunkwe regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 irid jistabbilixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tiddefinixxi, l-ewwel nett, is-suq/swieq tal-prodott(i) u ġeografiku/ġeografiċi rilevanti u, it-tieni, it-tip ta’ restrizzjoni(jiet) vertikali li fir-rigward tagħha/tagħhom ir-Regolament (UE) 2022/720 ma jibqax japplika. Fir-rigward tal-aħħar aspett, il-Kummissjoni tista’ tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament skont it-tħassib dwar il-kompetizzjoni li għandha l-ħsieb li tindirizza. Pereżempju, filwaqt li n-networks paralleli kollha ta’ arranġamenti tat-tip li jinvolvu marka waħda jistgħu jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat il-proporzjon ta’ kopertura tas-suq ta’ 50 %, , il-Kummissjoni tista’ madankollu tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament li tadotta skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 għal obbligi li ma ssirx kompetizzjoni li jkunu itwal minn ċertu tul ta’ żmien. B’hekk, akkordji ta’ tul ta’ żmien iqsar jew ta’ natura anqas restrittiva jistgħu jibqgħu ma jkunux affettwati, fid-dawl tal-grad iktar baxx ta’ esklużjoni attribwibbli għal tali restrizzjonijiet. B’mod simili, jekk f’suq partikolari l-impriżi jużaw id-distribuzzjoni selettiva flimkien ma’ restrizzjonijiet addizzjonali, bħall-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligi ta’ kwantità, regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 jista’ jikkonċerna biss tali restrizzjonijiet addizzjonali. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika wkoll il-livell tas-sehem mis-suq li, fil-kuntest tas-suq speċifiku, jista’ jitqies bħala insuffiċjenti sabiex impriża individwali tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-effett kumulattiv.

(273)

F’konformità mal-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 irid jistabbilixxi perjodu tranżizzjonali ta’ mhux anqas minn sitt xhur qabel ma jsir applikabbli. Dak il-perjodu huwa maħsub sabiex jippermetti lill-impriżi kkonċernati jadattaw l-akkordji vertikali tagħhom kif xieraq.

(274)

Regolament adottat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/720 ma jaffettwax l-istatus ta’ eżentati tal-akkordji kkonċernati għall-perjodu ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament.

8.   POLITIKA TA’ INFURZAR F’KAŻIJIET INDIVIDWALI

8.1.   Il-qafas tal-analiżi

(275)

Meta l-eżenzjoni ta’ kategorija pprovduta mir-Regolament (UE) 2022/720 ma tapplikax għal akkordju vertikali, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk, fil-każ individwali, l-akkordju vertikali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u, jekk iva, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat humiex issodisfati. Dment li ma jkunx fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni skont l-għan u b’mod partikolari restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720, ma hemm l-ebda suppożizzjoni li l-akkordji vertikali li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Tali akkordji jeħtieġu valutazzjoni individwali. Akkordji li jew ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat huma validi u infurzabbli.

(276)

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-impriżi ma għandhomx bżonn jinnotifikaw l-akkordji vertikali tagħhom sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fil-każ ta’ eżami individwali mill-Kummissjoni, hija l-Kummissjoni li jkollha l-oneru tal-provi sabiex turi li l-akkordju vertikali inkwistjoni jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-impriżi li jitolbu li jibbenefikaw mill-Artikolu 101(3) tat-Trattat iġarrbu l-oneru tal-provi sabiex juru li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. Meta jintwerew effetti antikompetittivi probabbli, l-impriżi jistgħu jissostanzjaw l-affermazzjonijiet dwar l-effiċjenza u jispjegaw għaliex arranġament partikolari ta’ distribuzzjoni jkun indispensabbli sabiex jinġiebu benefiċċji probabbli għall-konsumaturi mingħajr ma tiġi eliminata l-kompetizzjoni. Imbagħad, il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk l-akkordju jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(277)

Il-valutazzjoni ta’ jekk akkordju vertikali għandux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ssir billi s-sitwazzjoni fis-suq rilevanti bir-restrizzjonijiet vertikali fis-seħħ titqabbel mas-sitwazzjoni li tkun tipprevali fin-nuqqas tar-restrizzjonijiet vertikali fl-akkordju vertikali. Fil-valutazzjoni ta’ każijiet individwali, il-Kummissjoni tista’ tqis l-effetti kemm attwali kif ukoll dawk probabbli. Sabiex l-akkordji vertikali jkollhom effett restrittiv għall-kompetizzjoni, huma jridu jaffettwaw il-kompetizzjoni attwali jew potenzjali sa tali punt li fis-suq rilevanti jistgħu jkunu mistennija effetti negattivi fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni, jew il-varjetà jew il-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi bi grad raġonevoli ta’ probabbiltà. L-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jridu jkunu sinifikanti (159). Huwa aktar probabbli li jseħħu effetti antikompetittivi sinifikanti meta tal-anqas waħda mill-partijiet għall-akkordju jkollha jew tikseb ċertu grad ta’ saħħa fis-suq u l-akkordju jikkontribwixxi għall-ħolqien, għaż-żamma jew għat-tisħiħ ta’ din is-saħħa fis-suq, jew jippermetti lill-partijiet għall-akkordju jisfruttaw tali saħħa fis-suq. Is-saħħa fis-suq hija l-kapaċità li l-prezzijiet jinżammu ogħla mil-livelli kompetittivi jew li l-produzzjoni f’termini tal-kwantitajiet tal-prodott, tal-kwalità u tal-varjetà jew l-innovazzjoni tal-prodott tinżamm taħt il-livelli kompetittivi għal perjodu ta’ żmien mhux insinifikanti. Il-grad ta’ saħħa fis-suq ġeneralment meħtieġ għal sejba ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat huwa anqas mill-grad ta’ saħħa fis-suq meħtieġ sabiex tinstab dominanza skont l-Artikolu 102 tat-Trattat.

8.1.1.   Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat

(278)

Fil-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali individwali bejn impriżi b’ishma mis-suq ’il fuq mil-limitu ta’ 30 %, il-Kummissjoni se twettaq analiżi sħiħa tal-kompetizzjoni. Il-fatturi li ġejjin huma partikolarment rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk akkordju vertikali jwassalx għal restrizzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat:

(a)

in-natura tal-akkordju;

(b)

il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet;

(c)

il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri (upstream u downstream);

(d)

il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt;

(e)

l-ostakli għad-dħul;

(f)

il-livell tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni li huwa affettwat;

(g)

in-natura tal-prodott;

(h)

id-dinamika tas-suq.

(279)

Fatturi rilevanti oħrajn jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll.

(280)

L-importanza ta’ fatturi individwali tista’ tvarja skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Pereżempju, sehem għoli mis-suq tal-partijiet normalment ikun indikatur tajjeb tas-saħħa fis-suq. Madankollu, fil-każ ta’ ostakli baxxi għad-dħul, is-saħħa fis-suq tista’ tkun limitata biżżejjed minn dħul attwali jew potenzjali. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġu pprovduti regoli fissi ta’ applikabbiltà ġenerali dwar l-importanza ta’ fatturi individwali.

(281)

L-akkordji vertikali jistgħu jsiru f’diversi għamliet u forom. Għalhekk, huwa importanti li tiġi analizzata n-natura tal-akkordju f’termini tar-restrizzjonijiet li fih, tat-tul ta’ żmien ta’ dawk ir-restrizzjonijiet u tas-sehem tal-bejgħ totali fis-suq (downstream) affettwat minn dawk ir-restrizzjonijiet. Jista’ jkun neċessarju li wieħed imur lil hinn mit-termini espressi tal-akkordju. L-eżistenza ta’ restrizzjonijiet impliċiti tista’ tkun dedotta mill-mod li bih jiġi implimentat l-akkordju mill-partijiet u mill-inċentivi li jiffaċċjaw.

(282)

Il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet tipprovdi indikazzjoni tal-grad ta’ saħħa fis-suq, jekk hemm, li jkollu l-fornitur, ix-xerrej jew it-tnejn li huma. Aktar ma jkun għoli s-sehem mis-suq tagħhom, aktar huwa probabbli li tkun kbira s-saħħa fis-suq tagħhom. Dan huwa partikolarment minnu meta s-sehem mis-suq jirrifletti vantaġġi ta’ spejjeż jew vantaġġi kompetittivi oħrajn vis-à-vis il-kompetituri. Tali vantaġġi kompetittivi jistgħu, pereżempju, jirriżultaw minn li wieħed jidħol l-ewwel fis-suq (li jkollu l-aħjar sit, eċċ.), li jkollu privattivi essenzjali jew li jkollu teknoloġija superjuri, jew li jkun mexxej tal-marka jew li jkollu portafoll superjuri. Il-grad ta’ differenzjazzjoni tal-prodott jista’ jkun ukoll indikatur rilevanti għall-preżenza tas-saħħa fis-suq. L-immarkar għandu t-tendenza li jżid id-differenzjazzjoni tal-prodott u jnaqqas is-sostittwibbiltà tal-prodott, li jwassal għal elastiċità mnaqqsa tad-domanda u għal żieda fil-possibbiltà sabiex jogħla l-prezz.

(283)

Il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri hija importanti wkoll. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni kompetittiva tal-kompetituri u aktar ma jkun kbir l-għadd tagħhom, aktar ikun baxx ir-riskju li l-partijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw individwalment is-saħħa fis-suq u jeskludu s-suq jew inaqqsu l-kompetizzjoni. Huwa wkoll rilevanti li jiġi kkunsidrat jekk hemmx kontrostrateġiji effettivi u f’waqthom li l-kompetituri x’aktarx jużaw. Madankollu, jekk in-numru ta’ impriżi fis-suq ikun pjuttost żgħir u l-pożizzjonijiet fis-suq tagħhom (f’termini ta’, pereżempju, id-daqs, l-ispejjeż u l-potenzjal tar-R&Ż) ikunu simili, ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jżidu r-riskju ta’ kollużjoni. L-ishma mis-suq li jvarjaw jew li jinbidlu malajr huma ġeneralment indikazzjoni ta’ kompetizzjoni intensa.

(284)

Il-pożizzjoni fis-suq tal-klijenti downstream tal-partijiet għall-akkordju vertikali tipprovdi indikazzjoni ta’ jekk wieħed jew aktar minn dawk il-klijenti għandhomx is-saħħa tax-xerrej jew le. L-ewwel indikatur tas-saħħa tax-xerrej huwa s-sehem mis-suq tal-klijent fis-suq tax-xiri. Dan is-sehem mis-suq jirrifletti l-importanza tad-domanda tal-klijenti għal fornituri possibbli. Indikaturi oħrajn huma l-pożizzjoni tal-klijent fis-suq tal-bejgħ mill-ġdid fejn huwa attiv, inklużi karatteristiċi bħal firxa ġeografika wiesgħa tal-ħwienet tiegħu, il-marki tiegħu, inklużi tikketti privati u l-immaġni tal-marka tiegħu fost il-klijenti finali. F’xi ċirkostanzi, is-saħħa tax-xerrej tista’ tipprevjeni l-ħsara lill-konsumatur minn akkordju vertikali li altrimenti jkun problematiku. Dan huwa partikolarment minnu meta klijenti b’saħħithom ikollhom il-kapaċità u l-inċentiv li jġibu sorsi ġodda ta’ provvista fis-suq fil-każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi.

(285)

L-ostakoli għad-dħul jitkejlu skont kemm id-ditti stabbiliti jistgħu jżidu l-prezz tagħhom ’il fuq mil-livell kompetittiv mingħajr ma jattiraw dħul ġdid. Bħala regola ġenerali, l-ostakli għad-dħul jistgħu jitqiesu li jkunu baxxi meta d-dħul effettiv, li kapaċi jipprevjeni jew inaqqas l-eżerċitar tas-setgħa fis-suq mill-kumpaniji stabbiliti, x’aktarx li jseħħ fi żmien sena (1) jew sentejn (2). L-ostakoli għad-dħul jistgħu jkunu preżenti biss fil-livell tal-fornitur jew fil-livell tax-xerrej jew fiż-żewġ livelli. L-ostakoli għad-dħul jistgħu jirriżultaw minn firxa wiesgħa ta’ fatturi bħal ekonomiji ta’ skala u kamp ta’ applikazzjoni (inklużi effetti tan-network ta’ negozji b’diversi naħat), regolamenti tal-gvern (speċjalment fejn dawn jistabbilixxu drittijiet esklużivi), għajnuna mill-Istat, tariffi tal-importazzjoni, DPI, is-sjieda ta’ riżorsi fejn il-provvista tkun limitata (pereżempju minħabba limitazzjonijiet naturali), faċilitajiet essenzjali, vantaġġ ta’ min jidħol l-ewwel fis-suq u l-lealtà tal-konsumaturi lejn il-marka maħluqa minn reklamar qawwi fuq perjodu ta’ żmien. Il-kwistjoni ta’ jekk xi wħud minn dawk il-fatturi għandhomx jitqiesu bħala ostakli għad-dħul tiddependi b’mod partikolari fuq jekk dawn jinvolvux spejjeż mitlufin. L-ispejjeż mitlufin huma l-ispejjeż li għandhom jitħallsu sabiex wieħed jidħol jew ikun attiv f’suq, iżda li ma jistgħux jiġu rkuprati mal-ħruġ mis-suq. L-ispejjeż tar-reklamar sabiex tinbena l-lealtà tal-konsumaturi normalment ikunu spejjeż mitlufin, sakemm ditta li tkun qed toħroġ mis-suq ma tkunx tista’ tbigħ l-isem tal-marka tagħha jew tużah xi mkien ieħor mingħajr telf. Meta d-dħul ikun jeħtieġ spejjeż mitlufin għoljin, it-theddida ta’ kompetizzjoni ħarxa minn operaturi stabbiliti wara d-dħul tista’ tiskoraġġixxi tali dħul, billi l-parteċipanti ġodda potenzjali ma jistgħux jiġġustifikaw ir-riskju li jitilfu l-investimenti mitlufin tagħhom.

(286)

Ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jaħdmu wkoll bħala ostaklu għad-dħul billi jagħmlu l-aċċess aktar diffiċli u jeskludu lill-kompetituri (potenzjali). Pereżempju, obbligu li ma ssirx kompetizzjoni li jorbot lid-distributuri ma’ fornitur jista’ jkollu effett ta’ esklużjoni sinifikanti jekk l-istabbiliment tad-distributuri tiegħu stess jimponi spejjeż mitlufin fuq il-parteċipant ġdid potenzjali.

(287)

Il-livell tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni huwa marbut mad-distinzjoni bejn prodotti jew servizzi intermedji u dawk finali. Il-prodotti jew is-servizzi intermedji jinbiegħu lill-impriżi biex jintużaw bħala input għall-produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi oħrajn u, ġeneralment, ma jkunux jistgħu jiġu rikonoxxuti fil-prodotti jew fis-servizzi finali. Ix-xerrejja ta’ prodotti jew ta’ servizzi intermedji ġeneralment ikunu klijenti informati sewwa, li kapaċi jivvalutaw il-kwalità u, għalhekk, li huma anqas dipendenti fuq il-marka u fuq l-immaġni. Il-prodotti jew is-servizzi finali jinbiegħu, direttament jew indirettament, lill-utenti finali, li spiss jiddependu aktar fuq il-marka u fuq l-immaġni.

(288)

In-natura tal-prodott għandha rwol fil-valutazzjoni kemm tal-effetti negattivi probabbli kif ukoll ta’ dawk pożittivi probabbli tar-restrizzjonijiet vertikali, b’mod partikolari għall-prodotti jew għas-servizzi finali. Meta jiġu vvalutati l-effetti negattivi probabbli, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk il-prodotti jew is-servizzi mibjugħin fis-suq rilevanti jkunux omoġenji jew pjuttost differenzjati (160), jekk il-prodott ikunx għali, jekk jiħux parti kbira mill-baġit tal-konsumatur, jew jekk, minflok, ikunx pjuttost irħis u jekk il-prodott jinxtarax darba jew jinxtarax ripetutament.

(289)

Id-dinamika tas-suq rilevanti trid tiġi vvalutata bir-reqqa. F’xi swieq dinamiċi, l-effetti negattivi potenzjali ta’ restrizzjonijiet vertikali partikolari jistgħu ma jkunux problematiċi, peress li l-kompetizzjoni bejn il-marki minn rivali dinamiċi u innovattivi tista’ taġixxi bħala restrizzjoni suffiċjenti. Madankollu, f’każijiet oħrajn, ir-restrizzjonijiet vertikali jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv dejjiemi lil operatur stabbilit f’suq dinamiku u b’hekk jirriżultaw f’effetti negattivi fit-tul għall-kompetizzjoni. Dan jista’ jkun il-każ meta restrizzjoni vertikali tipprevjeni lir-rivali milli jibbenefikaw mill-effetti tan-network jew meta suq ikun suxxettibbli li jwassal għal telfien tal-bilanċ.

(290)

Fatturi oħrajn jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-valutazzjoni. Dawk il-fatturi jistgħu jinkludu b’mod partikolari:

(a)

il-preżenza ta’ effetti kumulattivi, li jirriżultaw mill-fatt li s-suq ikun kopert minn restrizzjonijiet vertikali simili imposti minn fornituri jew minn xerrejja oħrajn;

(b)

jekk l-akkordju ikunx “impost” (jiġifieri, il-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet jew tal-obbligi japplikaw biss għal parti waħda għall-akkordju) jew “miftiehem” (iż-żewġ partijiet jaċċettaw ir-restrizzjonijiet jew l-obbligi);

(c)

l-ambjent regolatorju;

(d)

imġiba li tista’ tindika jew tiffaċilita l-kollużjoni, bħat-tmexxija tal-prezzijiet, bidliet fil-prezzijiet imħabbrin minn qabel u diskussjonijiet dwar il-prezzijiet, ir-riġidità tal-prezzijiet b’reazzjoni għal kapaċità żejda, diskriminazzjoni fil-prezzijiet u mġiba kollużiva tal-passat.

8.1.2.   Fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat

(291)

L-akkordji vertikali li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jistgħu jipproduċu wkoll effetti prokompetittivi fil-forma ta’ effiċjenzi, li jistgħu jisbqu l-effetti antikompetittivi tagħhom. Il-valutazzjoni tal-effiċjenzi kontra l-effetti antikompetittivi sseħħ fil-qafas tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li fih eċċezzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Sabiex dik l-eċċezzjoni tkun applikabbli, l-akkordju vertikali jrid jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

irid jipproduċi benefiċċji ekonomiċi oġġettivi,

(b)

il-konsumaturi jeħtiġilhom jirċievu sehem ġust tal-benefiċċju li jirriżulta (161),

(c)

ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu indispensabbli sabiex jinkisbu dawk il-benefiċċji, u

(d)

l-akkordju ma jistax jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti jew mis-servizzi kkonċernati (162).

(292)

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-valutazzjoni tal-akkordji vertikali ssir fil-kuntest attwali li fih iseħħu (163) u fuq il-bażi tal-fatti li jkunu jeżistu fi kwalunkwe punt fiż-żmien partikolari. Il-valutazzjoni hija sensittiva għal bidliet materjali fil-fatti. L-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat tapplika dment li jkunu ssodisfati l-erba’ kundizzjonijiet u ma tibqax tapplika meta dan ma jkunx għadu l-każ (164). Meta l-Artikolu 101(3) tat-Trattat jiġi applikat f’konformità ma’ dawn il-prinċipji, huwa meħtieġ li jitqiesu l-investimenti magħmulin mill-partijiet għall-akkordju, kif ukoll iż-żmien u r-restrizzjonijiet meħtieġa sabiex isir u jiġi rkuprat investiment li jtejjeb l-effiċjenza.

(293)

L-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat teħtieġ valutazzjoni tal-benefiċċji oġġettivi f’termini tal-effiċjenzi prodotti mill-akkordju vertikali. F’dan ir-rigward, l-akkordji vertikali ta’ spiss ikollhom il-potenzjal li jgħinu sabiex jiġu rrealizzati l-effiċjenzi, kif spjegat fit-Taqsima 2.1., billi jtejbu l-mod li bih il-partijiet għall-akkordju jwettqu l-attivitajiet komplementari tagħhom.

(294)

It-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-konsumaturi jeħtiġilhom jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji. Din timplika li l-konsumaturi tal-prodotti jew tas-servizzi mixtrijin u/jew mibjugħin (mill-ġdid) skont l-akkordju vertikali jridu tal-anqas jiġu kkumpensati għall-effetti negattivi tal-akkordju (165). Fi kliem ieħor, it-titjib fl-effiċjenza jrid jikkumpensa bis-sħiħ għall-impatt negattiv probabbli fuq il-prezzijiet, fuq il-produzzjoni u fuq fatturi rilevanti oħrajn ikkawżati mill-akkordju vertikali.

(295)

It-tielet, meta tapplika t-test tal-indispensabbiltà li jinsab fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni se teżamina b’mod partikolari jekk ir-restrizzjonijiet individwali jagħmluhiex possibbli li l-produzzjoni, ix-xiri jew il-bejgħ (mill-ġdid) tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt jitwettqu b’mod aktar effiċjenti milli kieku kien ikun il-każ fin-nuqqas tar-restrizzjoni kkonċernata. Meta ssir din il-valutazzjoni, iridu jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u r-realtajiet li jiffaċċjaw il-partijiet għall-akkordju. L-impriżi li jinvokaw il-benefiċċju tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma humiex meħtieġa li jikkunsidraw alternattivi ipotetiċi u teoretiċi. Madankollu, huma jeħtiġilhom jispjegaw u juru għaliex alternattivi apparentement realistiċi u ferm anqas restrittivi ma jipproduċux l-istess effiċjenzi. Jekk l-applikazzjoni ta’ dik li tidher li hija alternattiva kummerċjalment realistika u anqas restrittiva twassal għal telf sinifikanti ta’ effiċjenzi, ir-restrizzjoni inkwistjoni tiġi ttrattata bħala indispensabbli.

(296)

Ir-raba’ kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi li l-akkordju vertikali ma jistax jagħti lill-partijiet għall-akkordju l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti jew mis-servizzi kkonċernati. Din tippresupponi analiżi tal-pressjonijiet kompetittivi li jifdal fis-suq u l-impatt tal-akkordju fuq tali sorsi ta’ kompetizzjoni li jifdal. Meta tiġi applikata din il-kundizzjoni, jeħtieġ li titqies ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u l-Artikolu 102 tat-Trattat. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma tistax tipprevjeni l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat (166). Barra minn hekk, billi l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat it-tnejn għandhom l-għan li jżommu kompetizzjoni effettiva fis-suq, il-konsistenza tirrikjedi li l-Artikolu 101(3) jiġi interpretat bħala li jipprekludi kwalunkwe applikazzjoni tar-regola tal-eċċezzjoni għal akkordji vertikali restrittivi li jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (167). L-akkordju vertikali ma jistax jelimina l-kompetizzjoni effettiva, billi jneħħi s-sorsi kollha jew il-parti kbira tas-sorsi eżistenti ta’ kompetizzjoni attwali jew potenzjali. Ir-rivalità bejn l-impriżi hija xprunatur essenzjali tal-effiċjenza ekonomika, inklużi l-effiċjenzi dinamiċi fil-forma ta’ innovazzjoni. Fin-nuqqas tagħha, l-impriża dominanti ma jkollhiex inċentivi adegwati sabiex tkompli toħloq u tittrasferixxi t-titjib fl-effiċjenza. Akkordju restrittiv li jżomm, joħloq jew isaħħaħ pożizzjoni fis-suq li tixbah dik ta’ monopolju normalment ma jistax ikun ġustifikat għar-raġunijiet li joħloq ukoll titjib fl-effiċjenza.

8.2.   Analiżi ta’ restrizzjonijiet vertikali speċifiċi

(297)

Filwaqt li t-Taqsima 6 tinkludi gwida dwar il-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet vertikali li jammontaw għal restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/720, jew għal restrizzjonijiet esklużi skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament, il-paragrafi li ġejjin jipprovdu gwida dwar restrizzjonijiet vertikali speċifiċi oħrajn. Fir-rigward tar-restrizzjonijiet vertikali li ma humiex indirizzati speċifikament f’dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni tivvaluta dawn ir-restrizzjonijiet vertikali f’konformità mal-istess prinċipji, filwaqt li tqis il-fatturi rilevanti, kif stabbiliti f’din it-taqsima 8.

8.2.1.   Marka unika

(298)

Taħt l-intestatura ta’ “marka unika” jaqgħu dawk l-akkordji li l-element ewlieni tagħhom huwa l-fatt li x-xerrej huwa obbligat jew imġiegħel jikkonċentra l-ordnijiet tiegħu għal tip partikolari ta’ prodott ma’ fornitur wieħed. Dak ir-rekwiżit jista’ jinstab, fost l-oħrajn, fil-klawżoli ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni u ta’ obbligu ta’ kwantità miftiehma max-xerrej. Arranġament li ma ssirx kompetizzjoni huwa bbażat fuq obbligu jew fuq skema ta’ inċentivi li jwasslu sabiex ix-xerrej jixtri aktar minn 80 % tar-rekwiżiti tiegħu f’suq partikolari mingħand fornitur wieħed biss. Dan ma jfissirx li x-xerrej jista’ jixtri biss direttament mingħand il-fornitur, iżda li x-xerrej de facto jeħtieġlu ma jixtrix, ma jbigħx jew ma jinkorporax prodotti jew servizzi kompetituri. Obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej huwa forma aktar dgħajfa ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, fejn l-inċentivi jew l-obbligi miftehmin bejn il-fornitur u x-xerrej iwasslu sabiex dan tal-aħħar jikkonċentra l-biċċa l-kbira tax-xiri tiegħu ma’ fornitur wieħed. Obbligu ta’ kwantità jista’, pereżempju, jieħu l-forma ta’ rekwiżiti minimi ta’ xiri, ta’ rekwiżiti ta’ stokks jew ta’ pprezzar mhux lineari, bħal skemi ta’ ribassi kondizzjonali jew ta’ tariffa f’żewġ partijiet (miżata fissa flimkien ma’ prezz għal kull unità). L-hekk imsejħa “klawżola Ingliża”, li tirrikjedi li x-xerrej jirrapporta kull offerta li tkun aħjar u li tippermetti lix-xerrej jaċċetta biss tali offerta jekk il-fornitur ma jasalx għaliha, jista’ jkun mistenni li jkollha l-istess effett bħal obbligu ta’ marka unika, speċjalment meta x-xerrej ikun irid jiżvela min jagħmel l-aħjar offerta.

(299)

Ir-riskji ta’ kompetizzjoni possibbli fil-każ ta’ marka unika huma l-preklużjoni mis-suq għall-fornituri kompetituri u għall-fornituri potenzjali, it-tnaqqis tal-kompetizzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ kollużjoni bejn il-fornituri fil-każ ta’ użu kumulattiv u, meta x-xerrej ikun bejjiegħ bl-imnut, it-telf ta’ kompetizzjoni bejn il-marki fil-ħwienet. Tali effetti restrittivi għandhom impatt dirett fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki.

(300)

Akkordji ta’ marka unika jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 fejn la s-sehem mis-suq tal-fornitur u lanqas tax-xerrej ma jaqbeż it-30 % u l-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni ma jaqbiżx il-ħames snin. Kif stabbilit fil-paragrafu (248), akkordji ta’ marka unika li jkunu jistgħu jiġġeddu b’mod taċitu wara perjodu ta’ ħames snin jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija, dment li x-xerrej ikun jista’ effettivament jinnegozja mill-ġdid jew jittermina l-akkordju ta’ marka unika billi jagħti perjodu raġonevoli ta’ avviż u bi spiża raġonevoli, sabiex b’hekk ix-xerrej ikun jista’ effettivament jaqleb il-fornitur tiegħu wara li jiskadi l-perjodu ta’ ħames snin. Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, l-akkordju dwar marka unika jrid jiġi vvalutat individwalment.

(301)

Il-kapaċità li l-obbligi ta’ marka unika jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva tirriżulta b’mod partikolari meta, mingħajr l-obbligi, tiġi eżerċitata restrizzjoni kompetittiva importanti minn kompetituri li jew ikunu għadhom ma humiex preżenti fis-suq fiż-żmien meta jiġu konklużi l-obbligi, jew inkella ma jkunux f’pożizzjoni li jikkompetu għall-forniment sħiħ tal-klijenti. Jista’ jkun li l-kompetituri ma jkunux jistgħu jikkompetu għad-domanda sħiħa ta’ klijent individwali, minħabba li l-fornitur inkwistjoni huwa sieħeb kummerċjali inevitabbli tal-anqas għal parti mid-domanda fis-suq, pereżempju, minħabba li l-marka tiegħu tkun “oġġett popolari” ppreferut minn ħafna konsumaturi jew minħabba li r-restrizzjonijiet tal-kapaċità fuq il-fornituri l-oħrajn huma tali li parti mid-domanda tista’ tiġi pprovduta biss mill-fornitur inkwistjoni (168). B’hekk, il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur għandha importanza primarja meta jiġu vvalutati l-effetti antikompetittivi possibbli tal-obbligi ta’ marka unika.

(302)

Jekk il-kompetituri jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali għad-domanda sħiħa ta’ kull klijent individwali, ġeneralment ma jkunx probabbli li l-obbligi ta’ marka unika ta’ fornitur speċifiku jirrestrinġu l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti, sakemm il-kapaċità tal-klijenti li jbiddlu bejn il-fornituri ma ssirx diffiċli minħabba it-tul ta’ żmien u l-kopertura tas-suq tal-obbligi ta’ marka unika. Aktar ma jkun għoli l-proporzjon tas-sehem mis-suq tiegħu li fornitur ibigħ taħt obbligu ta’ marka unika u aktar ma jkun twil it-tul ta’ żmien tal-obbligi ta’ marka unika, aktar huwa probabbli li tkun sinifikanti l-esklużjoni. Huwa aktar probabbli li l-obbligi ta’ marka unika jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva meta jiġu konklużi minn impriżi dominanti.

(303)

Meta tiġi vvalutata s-saħħa fis-suq tal-fornitur, il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri tiegħu hija importanti. Dment li l-kompetituri jkunu numerużi u b’saħħithom biżżejjed, ma jista’ jkun mistenni l-ebda effett antikompetittiv sinifikanti. L-esklużjoni ta’ kompetituri ma hijiex probabbli ħafna fejn dawn ikollhom pożizzjonijiet fis-suq simili u jkunu jistgħu joffru prodotti attraenti bl-istess mod. Madankollu, f’każ bħal dan, l-esklużjoni tista’ sseħħ għal parteċipanti ġodda potenzjali meta numru ta’ fornituri ewlenin jidħlu f’akkordji ta’ marka waħda b’numru sinifikanti ta’ xerrejja fis-suq rilevanti (sitwazzjoni ta’ effett kumulattiv). Din hija wkoll sitwazzjoni li fiha l-akkordji ta’ marka unika jistgħu jiffaċilitaw kollużjoni bejn fornituri kompetituri. Meta dawk l-akkordji jibbenefikaw individwalment mill-eżenzjoni prevista mir-Regolament (UE) 2022/720, jista’ jkun neċessarju rtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija sabiex jiġi indirizzat tali effett kumulattiv negattiv antikompetittiv. Sehem mis-suq marbut ta’ anqas minn 5 % ġeneralment ma jitqiesx li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv bħal dan.

(304)

F’każijiet li fihom is-sehem mis-suq tal-akbar fornitur ikun ta’ anqas minn 30 % u s-sehem mis-suq kombinat tal-akbar ħames fornituri jkun anqas minn 50 %, ma huwiex probabbli li jkun hemm effett antikompetittiv wieħed jew kumulattiv. F’dawn il-każijiet, meta parteċipant ġdid potenzjali ma jkunx jista’ jidħol fis-suq b’mod profittabbli, dan x’aktarx ikun dovut għal fatturi oħrajn għajr l-obbligi ta’ marka unika, bħalma huma l-preferenzi tal-konsumatur.

(305)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex probabbli li jkun hemm esklużjoni antikompetittiva, huwa neċessarju li tiġi vvalutata l-iskala tal-ostakli għad-dħul. Meta jkun relattivament faċli għall-fornituri kompetituri li joħolqu n-network ta’ distribuzzjoni integrat tagħhom stess jew li jsibu distributuri alternattivi għall-prodott tagħhom, ma huwiex probabbli li l-esklużjoni tkun problema reali.

(306)

Is-saħħa tax-xerrej kompensatorja hija rilevanti, billi x-xerrejja b’saħħithom ma jippermettux malajr li jinqatgħu mill-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi kompetituri. B’mod aktar ġenerali, sabiex jikkonvinċi lill-klijenti jaċċettaw marka unika, il-fornitur jista’ jkollu bżonn jikkumpensahom, kompletament jew parzjalment, għat-telf fil-kompetizzjoni li jirriżulta mill-esklużività. Meta tali kumpens jingħata, jista’ jkun fl-interess individwali ta’ klijent li jidħol f’obbligu ta’ marka unika mal-fornitur. Iżda jkun ħażin li minn dan jiġi konkluż li l-obbligi kollha ta’ marka unika, meħudin flimkien, huma b’mod ġenerali ta’ benefiċċju għall-klijenti f’dak is-suq u għall-konsumaturi. B’mod partikolari, ma huwiex probabbli li l-konsumaturi kollha kemm huma jibbenefikaw jekk l-obbligi ta’ marka unika, meħudin flimkien, ikollhom l-effett li jimpedixxu d-dħul jew l-espansjoni ta’ impriżi kompetituri.

(307)

Fl-aħħar nett, il-livell fil-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni huwa rilevanti. L-esklużjoni hija anqas probabbli fil-każ ta’ prodott intermedju. Meta l-fornitur ta’ prodott intermedju ma jkunx dominanti, il-fornituri kompetituri xorta jkollhom sehem sostanzjali mid-domanda li jkun ħieles. Madankollu, marka unika tista’ twassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi taħt il-livell ta’ dominanza f’każijiet li fihom ikun hemm sitwazzjoni ta’ effett kumulattiv. Ma huwiex probabbli li jinħoloq effett antikompetittiv kumulattiv dment li jkun hemm inqas minn 50 % tas-suq li jkun marbut.

(308)

Meta l-akkordju jkun jirrigwardja l-provvista ta’ prodott finali fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa, il-probabbiltà li tinqala’ problema ta’ kompetizzjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq it-tip ta’ bejgħ bl-ingrossa u fuq l-ostakoli għad-dħul fil-livell ta’ bejgħ bl-ingrossa. Ma jkun hemm l-ebda riskju reali ta’ esklużjoni jekk il-manifatturi kompetituri jkunu jistgħu jistabbilixxu faċilment is-sistema ta’ bejgħ bl-ingrossa tagħhom stess. Jekk l-ostakoli għad-dħul humiex baxxi jiddependi parzjalment mit-tip ta’ sistema ta’ bejgħ bl-ingrossa li l-fornitur jista’ jistabbilixxi b’mod effiċjenti. F’suq li fih il-bejgħ bl-ingrossa jista’ jopera b’mod effiċjenti bil-prodott ikkonċernat biss mill-akkordju (pereżempju ġelat), il-manifattur jista’ jkollu l-kapaċità u l-inċentiv, jekk neċessarju, li jistabbilixxi s-sistema ta’ bejgħ bl-ingrossa tiegħu stess, f’liema każ ma jkunx probabbli li jiġi eskluż minn dak is-suq. Għall-kuntrarju, f’suq li fih ikun aktar effiċjenti li jsir bejgħ bl-ingrossa ta’ firxa sħiħa ta’ prodotti (pereżempju prodotti tal-ikel iffriżati), ma huwiex effiċjenti għal manifattur li jbigħ prodott wieħed biss li jistabbilixxi l-operazzjoni ta’ bejgħ bl-ingrossa tiegħu stess. Mingħajr aċċess għal bejjiegħa bl-ingrossa stabbiliti, il-manifattur x’aktarx jiġi eskluż mis-suq. F’dak il-każ, jistgħu jinħolqu effetti antikompettitivi. Barra minn hekk, jista’ jinqala’ effett antikompetittiv kumulattiv jekk diversi fornituri jorbtu ħafna mill-bejjiegħa bl-ingrossa disponibbli.

(309)

Rigward il-prodotti finali, l-esklużjoni tkun ġeneralment aktar probabbli li sseħħ fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, minħabba l-ostakli għad-dħul sinifikanti għall-biċċa l-kbira tal-manifatturi sabiex jiftħu ħwienet tal-bejgħ bl-imnut għall-prodotti tagħhom biss. Barra minn hekk, huwa fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut li l-akkordji dwar marka unika jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-marki fil-ħwienet. Huwa għal dawk ir-raġunijiet li, fir-rigward tal-prodotti finali fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, jistgħu jinħolqu effetti antikompetittivi sinifikanti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti l-oħrajn kollha, meta fornitur mhux dominanti jorbot 30 % jew aktar tas-suq rilevanti. Għal impriża dominanti, anki sehem mis-suq marbut modest jista’ jwassal għal effetti antikompettitivi sinifikanti.

(310)

Effett kumulattiv ta’ esklużjoni jista’ jinħoloq ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Meta l-fornituri kollha jkollhom ishma mis-suq taħt it-30 %, ma huwiex probabbli li jinħoloq effett kumulattiv ta’ esklużjoni meta s-sehem mis-suq marbut totali jkun anqas minn 40 %, f’liema każ, għalhekk, ma jkunx probabbli li tiġi rtirata l-eżenzjoni ta’ kategorija. Dik iċ-ċifra tista’ tkun ogħla meta jitqiesu fatturi oħrajn bħan-numru ta’ kompetituri jew l-ostakli għad-dħul. Meta xi wħud mill-impriżi jkollhom ishma mis-suq ogħla mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/720 iżda l-ebda impriża ma tkun dominanti, effett ta’ esklużjoni kumulattiv ma jkunx probabbli jekk is-sehem tas-suq marbut totali jkun anqas minn 30 %.

(311)

Meta x-xerrej jopera minn bini u minn art li jkunu proprjetà tal-fornitur jew mikrijin mill-fornitur mingħand parti terza mhux konnessa max-xerrej, il-possibbiltà li jiġu imposti rimedji effettivi sabiex jiġi indirizzat effett ta’ esklużjoni possibbli minn akkordju ta’ marka unika tkun limitata. F’dak il-każ, ma huwiex probabbli li jsir intervent mill-Kummissjoni taħt il-livell ta’ dominanza.

(312)

F’ċerti setturi, il-bejgħ ta’ aktar minn marka waħda minn sit wieħed jista’ jkun diffiċli, f’liema każ, problema ta’ esklużjoni tista’ tiġi rrimedjata aħjar billi jiġi limitat it-tul ta’ żmien tal-kuntratti.

(313)

Meta marka waħda tipproduċi effetti restrittivi sinifikanti, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk l-akkordju jiġġenerax effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Għal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni, l-effiċjenzi deskritti fil-punti (b) (parassitiżmu bejn fornituri), (e) u (f) (problemi ta’ rinunzja għal ċerti investimenti) u (i) (imperfezzjonijiet tas-suq kapitali) tal-paragrafu (16) jistgħu jkunu partikolarment relevanti.

(314)

Fir-rigward tal-effiċjenzi deskritti fil-punti (b), (e) u (i) tal-paragrafu (16), huwa possibbli li l-obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej jista’ jkun alternattiva anqas restrittiva. Għall-kuntrarju, obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jkun l-uniku mod vijabbli sabiex tinkiseb effiċjenza, kif deskritt fil-punt (f) tal-paragrafu (16) (problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti relatata mat-trasferiment tal-għarfien espert).

(315)

Fil-każ ta’ investiment speċifiku għal relazzjoni magħmul mill-fornitur, kif deskritt fil-punt (e) tal-paragrafu (16), obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligu ta’ kwantità għall-perjodu ta’ deprezzament tal-investiment b’mod ġenerali jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fil-każ ta’ investimenti għolja li jkunu speċifiċi għal relazzjoni, jista’ jkun ġustifikat obbligu li ma ssirx kompetizzjoni li jaqbeż il-ħames snin. Investiment speċifiku għal relazzjoni jista’, pereżempju, ikun l-installazzjoni jew l-adattament ta’ tagħmir mill-fornitur meta dak it-tagħmir ikun jista’ jintuża wara biss għall-produzzjoni ta’ komponenti għal xerrej partikolari. L-investimenti ġenerali jew speċifiċi għas-suq f’kapaċità (żejda) ġeneralment ma jkunux investimenti speċifiċi għal relazzjoni. Madankollu, meta fornitur joħloq kapaċità ġdida marbuta speċifikament mal-operazzjonijiet ta’ xerrej partikolari, pereżempju, kumpanija li tipproduċi laned tal-metall li toħloq kapaċità ġdida għall-produzzjoni ta’ laned fil-fabbrika tal-ikel ippreżervat fil-laned ta’ produttur tal-ikel, jew qrib tali fabbrika, dik il-kapaċità ġdida tista’ tkun biss ekonomikament vijabbli meta huwa jipproduċi għal dak il-klijent partikolari, f’liema każ l-investiment jitqies li jkun speċifiku għar-relazzjoni.

(316)

L-obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jintuża wkoll sabiex tiġi indirizzata problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti għall-investimenti li jsegwu l-objettivi ta’ sostenibbiltà. Pereżempju, tista’ tinqala’ problema ta’ rinunzja meta fornitur tal-enerġija li jkun qed jiffaċċja żieda fid-domanda għall-enerġija rinnovabbli (169) jkun jixtieq jinvesti f’impjant idroelettriku jew f’park eoliku. Il-fornitur jista’ jkun lest li jieħu dak ir-riskju ta’ investiment fit-tul biss jekk numru suffiċjenti ta’ xerrejja jkunu lesti li jimpenjaw ruħhom li jixtru enerġija rinnovabbli għal perjodu itwal. Tali akkordji vertikali max-xerrejja jistgħu jkunu prokompetittivi, peress li l-obbligu fit-tul li ma ssirx kompetizzjoni jista’ jkun neċessarju sabiex l-investiment isir affattu, jew sabiex dan isir fuq l-iskala prevista jew fiż-żmien previst. Għalhekk, dawn l-obbligi li ma ssirx kompetizzjoni jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jekk l-investiment tal-fornitur ikollu perjodu ta’ deprezzament twil, li jaqbeż il-ħames snin stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2022/720 (170).

(317)

Meta l-fornitur jipprovdi lix-xerrej b’self jew b’tagħmir li ma jkunx speċifiku għar-relazzjoni, dan ġeneralment ma jkunx probabbli fih innifsu li jikkostitwixxi effiċjenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat meta l-akkordju jipproduċi effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi. Fil-każ ta’ imperfezzjonijiet tas-suq kapitali, jista’ jkun aktar effiċjenti għal fornitur ta’ prodott li jipprovdi self, aktar milli bank (ara l-paragrafu (16)(i)). Madankollu, f’dak il-każ, is-self għandu jiġi pprovdut bl-anqas mod restrittiv possibbli u, b’mod ġenerali, ix-xerrej ġeneralment ma għandux jitwaqqaf milli jittermina l-obbligu u jħallas lura l-ammont pendenti tas-self fi kwalunkwe waqt u mingħajr il-ħlas ta’ penali.

(318)

It-trasferiment ta’ għarfien espert sostanzjali, kif imsemmi fil-paragrafu (16) , il-punt (f) ġeneralment jiġġustifika obbligu li ma ssirx kompetizzjoni għat-tul ta’ żmien kollu tal-akkordju ta’ provvista, bħal, pereżempju fil-kuntest ta’ franchising.

(319)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni

Il-mexxej tas-suq f’suq nazzjonali għal prodott tal-konsumatur li jinxtara b’impuls, b’sehem mis-suq ta’ 40 %, ibigħ ħafna mill-prodotti tiegħu (90 %) permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut marbuta (sehem mis-suq marbut ta’ 36 %). L-akkordji vertikali jobbligaw lill-bejjiegħa bl-imnut sabiex jixtru biss mingħand il-mexxej tas-suq għal tal-anqas erba’ snin. Il-mexxej tas-suq huwa rrappreżentat ħafna b’mod speċjali fiż-żoni b’popolazzjoni aktar densa, bħall-belt kapitali. Għandu 10 kompetituri, iżda l-prodotti ta’ xi wħud minnhom huma disponibbli biss f’ċerti postijiet u lkoll għandhom ishma mis-suq ferm iżgħar, bl-akbar wieħed li għandu 12 %. Dawn l-10 kompetituri flimkien jipprovdu 10 % oħra tas-suq permezz ta’ ħwienet marbutin. Hemm differenzjazzjoni qawwija fost il-marki u l-prodotti fis-suq. Il-mexxej tas-suq għandu l-aktar marki b’saħħithom. Huwa l-unika kumpanija b’kampanji ta’ reklamar nazzjonali regolari u jipprovdi lill-bejjiegħa bl-imnut marbutin tiegħu b’armarji għall-istokkjar speċjali għall-prodott tiegħu.

Dan jirriżulta f’sitwazzjoni li fiha, b’kollox, 46 % (36 % + 10 %) tas-suq huwa eskluż għal entranti ġodda potenzjali u għal dawk l-operaturi diġà eżistenti li ma għandhomx ħwienet marbutin. Entranti ġodda potenzjali jsibu d-dħul aktar diffiċli fiż-żoni b’popolazzjoni densa, fejn l-esklużjoni hija saħansitra ogħla, għalkemm huwa f’dawk iż-żoni li kieku jippreferu li jippenetraw is-suq. Barra minn hekk, minħabba d-differenzjazzjoni qawwija fost il-marki u l-prodotti u l-ispejjeż għoljin tat-tfittxija relattivi għall-prezz tal-prodott, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn il-marki fil-ħwienet iwassal għal telf ulterjuri fil-benesseri għall-konsumaturi. L-effiċjenzi possibbli tal-esklużività tal-ħwienet, li l-mexxej tas-suq isostni li jirriżultaw minn spejjeż tat-trasport imnaqqsin u problema possibbli ta’ rinunzja għal ċerti investimenti relatata mal-armarji għall-istokkjar, huma limitati u ma jegħlbux l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. L-effiċjenzi huma limitati, billi l-ispejjeż tat-trasport huma marbutin mal-kwantità u mhux mal-esklużività, u l-armarji għall-istokkjar ma jinvolvux għarfien espert speċjali u ma humiex speċifiċi għall-marka. Għaldaqstant, ma huwiex probabbli li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(320)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ obbligu ta’ kwantità

Produttur X b’sehem mis-suq ta’ 40 % ibigħ 80 % tal-prodotti tiegħu permezz ta’ kuntratti li jispeċifikaw li r-rivenditur huwa mistenni jixtri tal-anqas 75 % tal-ħtiġijiet tiegħu għal dak it-tip ta’ prodott mingħand X. Inkambju għal dan, X joffrilu finanzjament u tagħmir b’rati favorevoli. Il-kuntratti għandhom durata ta’ ħames snin u s-self għandu jitħallas lura f’pagamenti parzjali ugwali. Madankollu, wara l-ewwel sentejn, ix-xerrejja għandhom il-possibbiltà li jitterminaw il-kuntratt b’perjodu ta’ avviż ta’ 6 xhur jekk huma jħallsu lura l-ammont pendenti tas-self u jakkwistaw it-tagħmir bil-valur tal-assi tiegħu fis-suq. Fi tmiem il-perjodu ta’ ħames snin, it-tagħmir isir proprjetà tax-xerrej. Hemm 12-il produttur kompetitur, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma żgħar, bl-akbar wieħed li għandu sehem mis-suq ta’ 20 %, u jużaw kuntratti simili b’durati differenti. Il-produtturi b’ishma mis-suq ta’ anqas minn 10 % spiss ikollhom kuntratti b’durati itwal u bi klawżoli ta’ terminazzjoni anqas ġenerużi. Il-kuntratti tal-produttur X iħallu 25 % tar-rekwiżiti ħielsa sabiex jiġu forniti mill-kompetituri. Fl-aħħar tliet snin, kien hemm żewġ produtturi ġodda li daħlu fis-suq u li kisbu sehem mis-suq kombinat ta’ madwar 8 %, parzjalment billi ħadu f’idejhom is-self ta’ numru ta’ rivendituri inkambju għal kuntratti ma’ dawk ir-rivendituri.

Is-sehem mis-suq marbut tal-produttur X huwa ta’ 24 % (0,75 × 0,80 × 40 %). Is-sehem mis-suq marbut tal-produtturi l-oħrajn huwa ta’ madwar 25 %. Għalhekk, b’kollox, madwar 49 % tas-suq huwa eskluż għal parteċipanti ġodda potenzjali u għal dawk l-operaturi diġà stabbiliti li ma għandhomx ħwienet marbuta għal tal-anqas l-ewwel sentejn tal-kuntratti tal-provvista. Jidher li r-rivendituri spiss ikollhom diffikultà sabiex jiksbu self mill-banek u ġeneralment ikunu żgħar wisq sabiex jiġbru kapital permezz ta’ mezzi oħrajn, bħal billi joħorġu ishma. Barra minn hekk, il-produttur X jista’ juri li l-konċentrazzjoni tal-bejgħ tiegħu fuq numru limitat ta’ rivendituri tippermettilu jippjana l-bejgħ tiegħu aħjar u jiffranka l-ispejjeż tat-trasport. Fid-dawl tal-effiċjenzi ġġenerati mill-obbligu ta’ xiri, minn naħa, u s-sehem mhux marbut ta’ 25 % fil-kuntratti tal-produttur X, il-possibbiltà reali għal terminazzjoni bikrija tal-kuntratti, id-dħul reċenti ta’ produtturi ġodda u l-fatt li madwar nofs ir-rivendituri ma humiex marbutin, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ kwantità ta’ 75 % applikat mill-produttur X x’aktarx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

8.2.2.   Provvista esklużiva

(321)

Provvista esklużiva tirreferi għal restrizzjonijiet li jobbligaw jew iġiegħlu lill-fornitur ibigħ il-prodotti tal-kuntratt biss jew prinċipalment lil xerrej wieħed, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari. Tali restrizzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ obbligu ta’ provvista esklużiv, li jobbliga lill-fornitur ibigħ lil xerrej wieħed biss għall-finijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew ta’ użu partikolari. Dawn jistgħu wkoll pereżempju jieħdu l-forma ta’ obbligi ta’ kwantità fuq il-fornitur, fejn jiġu miftiehma inċentivi bejn fornitur u xerrej li jġiegħlu lil tal-ewwel jikkonċentra l-bejgħ tiegħu prinċipalment ma’ dak ix-xerrej. Għal prodotti jew għal servizzi intermedji, provvista esklużiva ta’ spiss issir referenza għaliha bħala provvista industrijali.

(322)

Akkordju ta’ provvista esklużiva jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament (UE) 2022/720 meta la s-sehem mis-suq tal-fornitur u lanqas dak tax-xerrej ma jaqbeż it-30 %, anki jekk ikun kombinat ma’ restrizzjonijiet vertikali mhux fundamentali oħrajn, bħal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni. Il-bqija ta’ din it-taqsima 8.2.2. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-akkordji ta’ provvista esklużiva f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.

(323)

Ir-riskju ewlieni għall-kompetizzjoni tal-provvista esklużiva huwa l-esklużjoni antikompetittiva ta’ xerrejja oħrajn. Hemm similarità mal-effetti possibbli ta’ distribuzzjoni esklużiva, b’mod partikolari meta d-distributur esklużiv isir ix-xerrej esklużiv għas-suq kollu (ara, b’mod partikolari, il-paragrafu (130). Is-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq tax-xiri upstream huwa ovvjament importanti għall-valutazzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jimponi provvista esklużiva li teskludi xerrejja oħrajn mill-aċċess għall-provvisti. Madankollu, l-importanza tal-pożizzjoni tax-xerrej fis-suq downstream hija l-aktar fattur sinifikanti sabiex jiġi ddeterminat jekk tistax tinqala’ problema ta’ kompetizzjoni. Jekk ix-xerrej ma jkollu l-ebda saħħa fis-suq downstream, allura ma jista’ jkun mistenni l-ebda effett negattiv sinifikanti għall-konsumaturi. Jistgħu jinħolqu effetti negattivi meta s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq tal-provvista downstream kif ukoll fis-suq tax-xiri upstream jaqbeż it-30 %. Meta s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq upstream ma jaqbiżx it-30 %, xorta jistgħu jinħolqu effetti ta’ esklużjoni sinifikanti, speċjalment meta s-sehem mis-suq tax-xerrej fis-suq downstream tiegħu jaqbeż it-30 % u l-provvista eslussiva tkun relatata ma’ użu partikolari tal-prodotti tal-kuntratt. Meta xerrej ikun dominanti fis-suq downstream, kwalunkwe obbligu ta’ forniment tal-prodotti biss jew prinċipalment lix-xerrej dominanti jista’ faċilment ikollu effetti antikompetittivi sinifikanti.

(324)

Minbarra l-pożizzjoni tas-suq tax-xerrej fis-suq upstream u downstream, huwa importanti wkoll li jitqiesu l-firxa u t-tul ta’ żmien tal-obbligu ta’ provvista esklużiva. Aktar ma jkun għoli s-sehem tal-provvista marbuta, u aktar ma jkun twil it-tul ta’ żmien tal-obbligu tal-provvista esklużiva, aktar huwa probabbli li jkun sinifikanti l-effett ta’ esklużjoni. L-akkordji ta’ provvista esklużiva iqsar minn ħames snin konklużi minn impriżi mhux dominanti ġeneralment ikunu jeħtieġu bbilanċjar tal-effetti favur u kontra l-kompetizzjoni, filwaqt li l-akkordji li jdumu aktar minn ħames snin, għal ħafna tipi ta’ investimenti, ma jitqisux neċessarji sabiex jinkisbu l-effiċjenzi ddikjarati, jew inkella l-effiċjenzi ma jkunux biżżejjed sabiex jegħlbu l-effett ta’ esklużjoni ta’ tali akkordji ta’ provvista esklużiva fit-tul.

(325)

Il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja kompetituri fis-suq upstream hija importanti wkoll, minħabba li huwa probabbli li akkordji ta’ provvista esklużiva jeskludu lix-xerrejja kompetituri għal raġunijiet antikompetittivi, bħaż-żieda fl-ispejjeż tagħhom, jekk ikunu ferm iżgħar mix-xerrej li jeskludi. L-esklużjoni tax-xerrejja kompetituri ma hijiex probabbli ħafna meta dawk il-kompetituri jkollhom saħħa tax-xerrej simili għal dik tal-parti xerrejja għall-akkordju u jkunu jistgħu joffru lill-fornituri possibbiltajiet ta’ bejgħ simili. F’każ bħal dan, l-esklużjoni tkun tista’ sseħħ biss għal parteċipanti ġodda potenzjali, li jista’ jkun li ma jkunux kapaċi jiggarantixxu provvisti meta numru ta’ xerrejja maġġuri lkoll jidħlu f’kuntratti ta’ provvista esklużiva mal-maġġoranza tal-fornituri fis-suq. Tali effett kumulattiv ta’ esklużjoni jista’ jwassal għall-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720.

(326)

L-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul fil-livell tal-fornituri, kif ukoll id-daqs tagħhom, huma rilevanti sabiex jiġi vvalutat jekk hemmx esklużjoni reali. Sa fejn ikun effiċjenti għax-xerrejja kompetituri li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi huma stess permezz ta’ integrazzjoni vertikali upstream, ma huwiex probabbli li l-esklużjoni tkun problema.

(327)

Is-setgħa kompensatorja tal-fornituri għandha titqies ukoll, billi fornituri importanti ma jħallux faċilment lil xerrej jaqtagħhom barra minn xerrejja alternattivi. Għalhekk, l-esklużjoni hija prinċipalment riskju fil-każ ta’ fornituri dgħajfa u ta’ xerrejja b’saħħithom. Fil-każ ta’ fornituri b’saħħithom, l-obbligu ta’ provvista esklużiva jista’ jinstab flimkien ma’ obbligi li ma ssirx kompetizzjoni. Għal kombinazzjonijiet bħal dawn, huwa neċessarju wkoll li ssir referenza għall-gwida dwar marka unika. Meta jkun hemm investimenti speċifiċi għal relazzjoni involuti fuq iż-żewġ naħat (problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti), il-kombinazzjoni ta’ provvista esklużiva u ta’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni spiss tkun ġustifikata, b’mod partikolari taħt il-livell ta’ dominanza.

(328)

Fl-aħħar nett, il-livell ta’ kummerċ jew il-katina ta’ distribuzzjoni u n-natura tal-prodott huma rilevanti sabiex jiġu vvalutati l-effetti ta’ esklużjoni possibbli. Esklużjoni antikompettitiva hija anqas probabbli fil-każ ta’ prodott intermedju jew meta l-prodott ikun omoġenju. L-ewwel nett, manifattur eskluż li juża ċertu input ġeneralment ikollu aktar flessibbiltà sabiex jirrispondi għad-domanda tal-klijenti tiegħu milli jkollu l-bejjiegħ bl-ingrossa jew il-bejjiegħ bl-imnut li jkollu bżonn jirrispondi għad-domanda tal-konsumaturi finali, li għalihom il-marki jista’ jkollhom rwol importanti. It-tieni, it-telf ta’ sors possibbli ta’ provvista huwa anqas importanti għax-xerrejja esklużi fil-każ ta’ prodotti omoġenji milli fil-każ ta’ prodott eteroġenu bi gradi u bi kwalitajiet differenti. Għal prodotti tal-marka finali jew għal prodotti intermedji differenzjati meta jkun hemm ostakli għad-dħul, provvista esklużiva jista’ jkollha effetti antikompetittivi sinifikanti meta x-xerrejja kompetituri jkunu relattivament żgħar meta mqabblin max-xerrej li jeskludi, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx dominanti fis-suq downstream.

(329)

Jistgħu jkunu mistennijin effiċjenzi fil-każ ta’ problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti (il-punti (e) u (f) tal-paragrafu (16)), u tali effiċjenzi huma aktar probabbli għal prodotti intermedji milli għal prodotti finali. Effiċjenzi oħrajn huma anqas probabbli. Ekonomiji ta’ skala possibbli fid-distribuzzjoni (il-punt (g) tal-paragrafu (16)) ma jidhrux possibbli sabiex jiġġustifikaw provvista esklużiva.

(330)

Fil-każ ta’ problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti u aktar u aktar fil-każ ta’ ekonomiji ta’ skala fid-distribuzzjoni, l-obbligu ta’ kwantità fuq il-fornitur, bħar-rekwiżiti minimi ta’ provvista, jista’ tabilħaqq ikun alternattiva anqas restrittiva.

(331)

Dan li ġej huwa eżempju ta’ provvista esklużiva

F’suq għal ċertu tip ta’ komponenti (suq tal-prodott intermedju), il-fornitur A jaqbel max-xerrej B li jiżviluppa verżjoni differenti tal-komponent, billi juża l-għarfien espert tiegħu stess u b’investiment konsiderevoli f’magni ġodda u bl-għajnuna tal-ispeċifikazzjonijiet forniti mix-xerrej B. Ix-xerrej B ikollu jagħmel investimenti konsiderevoli sabiex jinkorpora l-komponent il-ġdid. Huwa maqbul li l-fornitur A jforni l-prodott il-ġdid lix-xerrej B biss għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-ewwel dħul fis-suq. Ix-xerrej B huwa obbligat jixtri l-prodott il-ġdid mingħand il-fornitur A biss għall-istess perjodu ta’ ħames snin. Kemm A kif ukoll B jistgħu jkomplu jbigħu u jixtru verżjonijiet oħrajn tal-komponent xi mkien ieħor. Is-sehem mis-suq tax-xerrej B fis-suq tal-komponenti upstream u fis-suq tal-prodotti finali downstream huwa ta’ 40 %. Is-sehem mis-suq tal-fornitur A huwa ta’ 35 %. Hemm żewġ fornituri tal-komponenti oħrajn b’sehem mis-suq ta’ madwar 20-25 % u numru ta’ fornituri żgħar.

Minħabba l-investimenti konsiderevoli miż-żewġ partijiet, huwa probabbli li l-akkordju jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, fid-dawl tal-effiċjenzi u tal-effett limitat ta’ esklużjoni. Xerrejja oħrajn huma esklużi minn verżjoni partikolari ta’ prodott ta’ fornitur b’sehem mis-suq ta’ 35 %, iżda fornituri ta’ komponenti oħrajn jistgħu jiżviluppaw prodotti ġodda simili. L-esklużjoni ta’ parti mid-domanda tax-xerrej B għal fornituri oħrajn hija limitata għal massimu ta’ 40 % tas-suq.

8.2.3.   Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online

(332)

Is-swieq online jgħaqqdu n-negozjanti u l-klijenti potenzjali bl-għan li jippermettu xiri dirett u ġeneralment huma fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online. Il-pjattaformi online li ma joffru l-ebda funzjonalità ta’ xiri dirett, iżda li jerġgħu jidderieġu lill-klijenti lejn siti web oħrajn fejn jistgħu jinxtraw prodotti u servizzi, jitqiesu bħala servizzi ta’ reklamar għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, mhux bħala swieq online (171).

(333)

Is-swieq online saru mezz importanti ta’ bejgħ għall-fornituri u għall-bejjiegħa bl-imnut, billi jipprovdulhom aċċess għal għadd kbir ta’ klijenti, kif ukoll għall-utenti finali. Is-swieq online jistgħu jippermettu lill-bejjiegħa bl-imnut jibdew ibigħu online b’investimenti inizjali aktar baxxi. Jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-bejgħ transfruntier u jżidu l-viżibbiltà tal-bejjiegħa, b’mod partikolari dawk żgħar u ta’ daqs medju, li ma joperawx il-ħanut online tagħhom stess jew li ma humiex magħrufin sewwa mill-utenti finali.

(334)

Il-fornituri jistgħu juru x-xewqa li jirrestrinġu l-użu ta’ swieq online mix-xerrejja tagħhom (172), pereżempju, sabiex jipproteġu l-immaġni u l-pożizzjonament tal-marka tagħhom, sabiex jiskoraġġixxu l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati, sabiex jiżguraw servizzi suffiċjenti qabel u wara l-bejgħ jew sabiex jiżguraw li l-bejjiegħ bl-imnut iżomm relazzjoni diretta mal-klijenti. Tali restrizzjonijiet jistgħu jvarjaw minn projbizzjoni totali fuq l-użu ta’ swieq online għal restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online li ma jissodisfawx ċerti rekwiżiti kwalitattivi. Pereżempju, il-fornituri jistgħu jipprojbixxu l-użu ta’ swieq li fihom il-prodotti jinbiegħu permezz ta’ rkant, jew jistgħu jesiġu li x-xerrejja jużaw swieq speċjalizzati, sabiex jiżguraw ċerti standards ta’ kwalità rigward l-ambjent li fih jistgħu jinbiegħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom. L-impożizzjoni ta’ ċerti rekwiżiti kwalitattivi tista’ de facto tipprojbixxi l-użu ta’ swieq online, minħabba li l-ebda suq online ma huwa kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-fornitur ikun jeħtieġ li l-logo tas-suq online ma jkunx viżibbli, jew ikun jeħtieġ li l-isem tad-dominju ta’ kwalunkwe sit web użat mill-bejjiegħ bl-imnut ikun fih l-isem tan-negozju tal-bejjiegħ bl-imnut.

(335)

Akkordji vertikali li jirrestrinġu l-użu ta’ swieq online jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, dment li l-akkordju ma jkollux l-għan, direttament jew indirettament, li jipprevjeni l-użu effettiv tal-internet mix-xerrej sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt f’territorji jew lil klijenti partikolari, fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (e) tar-Regolament u li l-ishma mis-suq kemm tal-fornitur kif ukoll tax-xerrej ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(336)

Kif stabbilit fit-taqsima 6.1.2, restrizzjoni jew projbizzjoni tal-bejgħ fi swieq online tikkonċerna l-mod li bih ix-xerrej jista’ jbigħ online u ma jirrestrinġix il-bejgħ għal territorju jew għal grupp ta’ klijenti partikolari. Filwaqt li restrizzjoni jew projbizzjoni bħal din tirrestrinġi l-użu ta’ kanali online speċifiku ta’ bejgħ, hemm mezzi ta’ bejgħ online oħrajn disponibbli għax-xerrej (173). B’mod partikolari, minkejja restrizzjoni jew projbizzjoni tal-bejgħ fi swieq online, ix-xerrej xorta jista’ jbigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt permezz tal-ħanut online tiegħu stess u permezz ta’ kanali online oħrajn u jista’ juża tekniki ta’ ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix jew jirreklama online, inkluż fuq pjattaformi ta’ partijiet terzi, sabiex iżid il-viżibilità tal-ħanut online tiegħu jew tal-kanali oħrajn ta’ bejgħ tiegħu. Għalhekk, tali restrizzjoni tista’, bi prinċipju, tibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(337)

Il-bqija ta’ din it-taqsima 8.2.3. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online f’każijiet individwali li fihom jinqabżu l-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/720.

(338)

Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online spiss jiġu miftiehma f’sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. It-Taqsima 4.6.2 tistabbilixxi l-kriterji li skont dawn sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tista’ taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat (174). F’każijiet li fihom il-fornitur ma jikkonkludix akkordju mas-suq online, il-fornitur jaf ma jkunx jista’ jivverifika li s-suq online jissodisfa l-kundizzjonijiet li d-distributuri awtorizzati tiegħu jeħtiġilhom jissodisfaw għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt. F’dak il-każ, restrizzjoni jew projbizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online tista’ tkun xierqa u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex tiġi ppreservata l-kwalità u jiġi żgurat l-użu xieraq tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt. Madankollu, f’każijiet li fihom fornitur iqabbad lill-operatur ta’ suq online bħala membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tiegħu, jew meta jirrestrinġi l-użu ta’ swieq online minn xi distributuri awtorizzati, iżda mhux minn oħrajn, jew meta jirrestrinġi l-użu ta’ suq online, iżda juża dak is-suq online huwa stess sabiex ibigħ il-prodotti jew is-servizzi tal-kuntratt, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ dawk is-swieq online x’aktarx li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ adegwatezza u ta’ proporzjonalità (175).

(339)

Meta distribuzzjoni selettiva taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, l-akkordju vertikali u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online jridu jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

(340)

Ir-riskju ewlieni għall-kompetizzjoni li jirriżulta mir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ swieq online huwa tnaqqis tal-kompetizzjoni fi ħdan il-marka fil-livell tad-distribuzzjoni. Pereżempju, ċerti distributuri awtorizzati, bħal xerrejja żgħar jew ta’ daqs medju, jistgħu jiddependu fuq is-swieq online sabiex jattiraw lill-klijenti. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online jistgħu jċaħħdu lil dawk ix-xerrejja minn mezz ta’ bejgħ potenzjalment importanti u jnaqqsu r-restrizzjoni kompetittiva li jeżerċitaw fuq distributuri awtorizzati oħrajn.

(341)

Sabiex jiġu vvalutati l-effetti antikompetittivi possibbli tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online, l-ewwel huwa neċessarju li jiġi vvalutat il-grad ta’ kompetizzjoni bejn il-marki, peress li tnaqqis fil-kompetizzjoni fi ħdan il-marka minnu nnifsu huwa improbabbli li jwassal għal effetti negattivi għall-konsumaturi jekk il-kompetizzjoni bejn il-marki tkun b’saħħitha fil-livelli tal-fornituri u tad-distributuri (176). Għal dan l-għan, għandha tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu. It-tieni, huwa neċessarju li jitqiesu t-tip u l-ambitu tar-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online. Pereżempju, projbizzjoni fuq il-bejgħ kollu permezz ta’ swieq online hija aktar restrittiva minn restrizzjoni fuq l-użu ta’ swieq online partikolari jew minn rekwiżit sabiex jintużaw biss swieq online li jissodisfaw ċerti kriterji kwalitattivi. It-tielet, għandha tiġi kkunsidrata l-importanza relattiva tas-swieq online ristretti bħala mezz ta’ bejgħ fis-swieq tal-prodotti u ġeografiċi rilevanti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv ta’ kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-bejgħ jew fuq ir-reklamar online imposta mill-fornitur.

(342)

Kif stabbilit fil-paragrafu (334), ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online jistgħu jwasslu għal effiċjenzi, b’mod partikolari b’rabta mal-iżgurar tal-protezzjoni tal-marka, ta’ ċertu livell ta’ kwalità tas-servizz jew tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għall-falsifikazzjoni. Sal-punt li r-restrizzjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, il-valutazzjoni trid tikkunsidra jekk tali effiċjenzi jistgħux jinkisbu permezz ta’ mezzi anqas restrittivi, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta s-suq online jippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut joħolqu l-ħanut tal-marka tagħhom stess fis-suq u, b’hekk, jeżerċitaw aktar kontroll fuq il-mod li bih jinbiegħu il-prodotti jew is-servizzi tagħhom. Kwalunkwe ġustifikazzjoni relatata mal-kwalità li fuqha jibbaża l-fornitur x’aktarx li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur innifsu juża s-suq online li x-xerrej ma jkunx jista’ juża;

(b)

il-fornitur jimponi r-restrizzjoni fuq xi distributuri iżda mhux fuq oħrajn;

(c)

l-operatur tas-suq online huwa stess huwa membru awtorizzat tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.

8.2.4.   Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet

(343)

Is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet (177), bħal siti web jew applikazzjonijiet għat-tqabbil tal-prezzijiet, jippermettu lill-bejjiegħa jżidu l-viżibbiltà tagħhom u jiġġeneraw it-traffiku għall-ħanut online tagħhom u jippermettu lill-klijenti potenzjali jsibu bejjiegħa bl-imnut, iqabblu prodotti differenti u jqabblu l-offerti għall-istess prodott. Is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet iżidu t-trasparenza tal-prezzijiet u għandhom il-potenzjal li jintensifikaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn il-marki u bejn il-marki fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.

(344)

Għall-kuntrarju tas-swieq online, is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tipikament ma joffrux funzjonalità ta’ bejgħ u ta’ xiri, iżda pjuttost jidderieġu mill-ġdid lill-klijenti lejn il-ħanut online tal-bejjiegħ bl-imnut, u b’hekk jippermettu t-tnedija ta’ tranżazzjoni diretta bejn il-klijent u l-bejjiegħ bl-imnut barra mis-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet. Għalhekk, is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet ma humiex mezz ta’ bejgħ online distint, iżda pjuttost mezz ta’ reklamar online.

(345)

Il-fornituri jistgħu juru x-xewqa li jirrestrinġu l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet (178), pereżempju sabiex jipproteġu l-immaġni tal-marka tagħhom, billi s-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tipikament jiffokaw fuq il-prezz u jistgħu ma jippermettux lill-bejjiegħa bl-imnut jiddistingwu lilhom infushom permezz ta’ karatteristiċi oħrajn, bħall-firxa jew il-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt. Raġunijiet oħrajn għar-restrizzjoni tal-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jkunu li jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-falsifikazzjoni, jew li jiġi protett il-mudell ta’ negozju tal-fornitur, pereżempju, meta dak il-mudell ikun jiddependi fuq elementi bħall-ispeċjalizzazzjoni jew il-kwalità minflok il-prezz.

(346)

Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jvarjaw minn projbizzjoni diretta jew indiretta għal restrizzjonijiet ibbażati fuq rekwiżiti tal-kwalità jew fuq rekwiżiti li jiġi inkluż kontenut speċifiku fl-offerti rreklamati fuq is-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet. Pereżempju, restrizzjoni fuq l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet lil servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew rekwiżit li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-fornitur qabel ma jintużaw servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, jew restrizzjoni fuq l-użu tal-marka tal-fornitur fis-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jammontaw għal prevenzjoni fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet.

(347)

Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jżidu l-ispejjeż tat-tfittxija tal-konsumaturi u, b’hekk, inaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezz għall-konsumatur. Jistgħu jirrestrinġu wkoll il-kapaċità tax-xerrej li jilħaq klijenti potenzjali, jinformahom dwar l-offerta tiegħu u jidderiġihom lejn il-ħanut online tiegħu. Kif stabbilit fil-paragrafu (203), projbizzjoni fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tipprevjeni lix-xerrej milli juża mezz ta’ reklamar online kollu kemm hu, li hija restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) 2022/720. Il-projbizzjoni tal-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tfixkel lix-xerrej milli jbigħ lil klijenti li jinsabu barra miż-żona ta’ attività tiegħu u li jixtiequ jixtru online. Għalhekk, dan jista’ jwassal għal kompartimentalizzazzjoni tas-suq u għal kompetizzjoni mnaqqsa bejn il-marki.

(348)

Min-naħa l-oħra, meta l-akkordju vertikali jipprevjeni l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet li jimmiraw klijenti f’territorju jew fi grupp ta’ klijenti li jkun allokat esklużivament lil xerrejja oħrajn jew riżervat esklużivament lill-fornitur, huwa jkun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, skont l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4, il-punti (b)(i), (c)(i)(1) u d(i) tar-Regolament relatat mad-distribuzzjoni esklużiva. Pereżempju, servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet jista’ jitqies li jkollu fil-mira tiegħu territorju esklużiv meta s-servizz jinqeda b’lingwa użata b’mod komuni f’dak it-territorju u mhux fit-territorju tax-xerrej, jew meta s-servizz juża isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondi għat-territorju esklużiv.

(349)

Akkordji vertikali li jirrestrinġu l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet, iżda li ma jipprevjenux direttament jew indirettament l-użu tas-servizzi kollha ta’ tqabbil tal-prezzijiet, pereżempju rekwiżit li s-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet jissodisfa ċerti standards ta’ kwalità, jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(350)

Il-gwida li ġejja hija pprovduta għall-valutazzjoni ta’ akkordji vertikali li jirrestrinġu l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720, pereżempju minħabba li jinqabżu l-limiti tas-sehem mis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(351)

Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet spiss jiġu imposti f’sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva. It-Taqsima 4.6.2 tistabbilixxi l-kriterji li skont dawn sistema ta’ distribuzzjoni selettiva taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Għalhekk, meta r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jintużaw f’akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva, l-ewwel ikun neċessarju li jiġi vvalutat jekk ir-restrizzjonijiet ikunux mezz xieraq u proporzjonat sabiex tiġi ppreservata l-kwalità jew jiġi żgurat l-użu xieraq tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li s-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jidderieġu mill-ġdid lill-klijenti potenzjali lejn il-ħanut online tad-distributur awtorizzat għall-konklużjoni tat-tranżazzjoni tal-bejgħ u li l-fornitur tipikament ikun jista’ jeżerċita kontroll fuq il-ħanut online tad-distributur awtorizzat permezz tal-kriterji tal-għażla u billi jimponi r-rekwiżiti fl-akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva.

(352)

Meta r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jintużaw f’akkordju ta’ distribuzzjoni selettiva li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew f’tipi oħrajn ta’ akkordju ta’ distribuzzjoni, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk ir-restrizzjoni jkollhiex effett restrittiv apprezzabbli fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 jistgħu, b’mod partikolari, inaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezz jew jikkompartimentalizzaw is-swieq, li fl-aħħar mill-aħħar ikollu impatt fuq il-kompetizzjoni bejn il-marki u l-kompetizzjoni fi ħdan il-marka. Pereżempju, tali restrizzjonijiet jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni fil-prezz, billi jirrestrinġu l-possibbiltà għax-xerrej li jinforma lill-klijenti potenzjali dwar prezzijiet aktar baxxi. Il-kompetizzjoni fi ħdan il-marka tista’ tkun affettwata b’mod partikolari meta fornitur jimponi restrizzjonijiet fuq ftit biss mid-distributuri tiegħu, jew meta l-fornitur innifsu juża s-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet koperti mir-restrizzjonijiet. Sal-punt li x-xerrejja jkunu limitati fil-ħila tagħhom li jibbażaw fuq mezz ta’ reklamar online potenzjalment sinifikanti, jaf ikunu jistgħu jeżerċitaw biss pressjoni kompetittiva limitata fuq il-fornitur jew fuq kwalunkwe distributur ieħor li ma jkunx qed jiffaċċja dik ir-restrizzjoni.

(353)

Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jinkludu:

(a)

il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur u tal-kompetituri tiegħu;

(b)

l-importanza tas-serivzzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet bħala mezz ta’ reklamar fis-suq rilevanti għall-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi tal-kuntratt;

(c)

it-tip u l-ambitu tar-restrizzjonijiet u l-importanza relattiva tas-servizz partikolari ta’ tqabbil tal-prezzijiet li l-użu tiegħu jkun ristrett jew ipprojbit;

(d)

jekk il-fornitur jimponix ukoll restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tax-xerrej li juża forom oħrajn ta’ reklamar online.

(354)

Għandu jitqies l-effett restrittiv kombinat tar-restrizzjoni fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet u kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq ir-reklamar online imposta mill-fornitur.

(355)

Kif stabbilit fil-paragrafu (345), ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jistgħu jwasslu għal effiċjenzi, b’mod partikolari b’rabta mal-iżgurar tal-protezzjoni tal-marka jew ta’ ċertu livell ta’ kwalità tas-servizz, jew tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għall-falsifikazzjoni. Skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk tali effiċjenzi jistgħux jinkisbu permezz ta’ mezzi anqas restrittivi. Dan jista’ jkun il-każ meta, pereżempju, l-użu ta’ servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet isir kundizzjonali fuq is-servizz li jipprovdi wkoll għal paraguni jew għal rieżamijiet relatati mal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, mal-livell ta’ servizz tal-klijenti pprovdut mix-xerrej, jew ma’ karatteristiċi oħrajn tal-offerti tax-xerrej. Kull valutazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet relatati mal-kwalità skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat jenħtieġ li tqis ukoll li l-bejgħ ma jiġix konkluż fuq is-sit web tas-servizz ta’ tqabbil tal-prezzijiet, iżda fil-ħanut online tax-xerrej.

8.2.5.   Obbligi ta’ parità

(356)

L-obbligi ta’ parità, kultant imsejħin ukoll klawżoli tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (“MFNs”) jew Akkordji ta’ Parità Bejn il-Pjattaformi (“APPAs”), jesiġu li bejjiegħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi joffri l-prodotti jew is-servizzi lil parti oħra b’kundizzjonijiet li ma jkunux anqas favorevoli mill-kundizzjonijiet offruti mill-bejjiegħ lil ċerti partijiet oħrajn jew permezz ta’ ċerti kanali oħrajn. Il-kundizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw il-prezzijiet, l-inventarju, id-disponibbiltà jew kwalunkwe terminu jew kundizzjoni oħra tal-offerta jew tal-bejgħ. L-obbligu ta’ parità jista’ jieħu l-forma ta’ klawżola kuntrattwali jew jista’ jkun ir-riżultat ta’ miżuri diretti jew indiretti oħrajn, bħal ipprezzar differenzjali jew inċentivi oħrajn li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-kundizzjonijiet li taħthom il-bejjiegħ joffri l-prodotti jew is-servizzi tiegħu lil partijiet oħrajn jew permezz ta’ kanali oħrajn.

(357)

L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut huma relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti jew is-servizzi jiġu offruti lill-utenti finali. Dawn l-obbligi spiss jiġu imposti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (pereżempju, swieq online jew servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet) fuq ix-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tagħhom (pereżempju, impriżi li jbigħu permezz tal-pjattaforma intermedjarja).

(358)

L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jirreferu għal diversi kanali oħrajn ta’ bejgħ jew ta’ reklamar. Pereżempju, l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra jirreferu għall-kundizzjonijiet offruti permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online kompetituri (pjattaformi kompetituri). L-hekk imsejħin obbligi stretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jirreferu għall-kundizzjonijiet offruti fil-kanali ta’ bejgħ dirett ta’ bejjiegħa tal-prodotti jew tas-servizzi. Xi obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jirreferu għall-kundizzjonijiet offruti fuq il-mezzi l-oħrajn kollha ta’ bejgħ (xi drabi msejħin obbligi ta’ parità “wisgħin” fil-livell tal-bejgħ bl-imnut).

(359)

Bl-eċċezzjoni tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra fis-sens tal-Artikolu 5(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/720, it-tipi kollha ta’ obbligu ta’ parità f’akkordji vertikali jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament. Il-gwida li ġejja hija pprovduta għall-valutazzjoni tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra msemmijin fl-Artikolu 5(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/720 u għal tipi oħrajn ta’ obbligi ta’ parità f’każijiet li fihom ma tapplikax l-eżenzjoni ta’ kategorija.

8.2.5.1.   Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra

(360)

L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut li jwasslu sabiex xerrej ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma joffrix, ma jbigħx jew ma jbigħx mill-ġdid prodotti jew servizzi lill-utenti finali taħt kundizzjonijiet aktar favorevoli permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online kompetituri, fis-sens tal-Artikolu 5(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/720, huma aktar probabbli minn tipi oħrajn ta’ obbligu ta’ parità li jipproduċu effetti antikompetittivi. Dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni bil-modi li ġejjin:

(a)

jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni u jiffaċilita l-kollużjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online. B’mod partikolari, huwa aktar probabbli li fornitur li jimponi dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità jkun jista’ jgħolli l-prezz jew inaqqas il-kwalità tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni tiegħu mingħajr ma jitlef is-sehem mis-suq. Irrispettivament mill-prezz jew mill-kwalità tas-servizzi tal-fornitur, il-bejjiegħa ta’ prodotti jew ta’ servizzi li jagħżlu li jużaw il-pjattaforma tal-fornitur huma obbligati joffru kundizzjonijiet fuq il-pjattaforma li jkunu tal-anqas tajbin daqs il-kundizzjonijiet li joffru fuq pjattaformi kompetituri;

(b)

jista’ jeskludi d-dħul jew l-espansjoni minn fornituri ġodda jew iżgħar ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, billi jillimita l-kapaċità tat-tali fornituri li joffru lix-xerrejja u lill-utenti finali kombinazzjonijiet prezz-servizz differenzjati.

(361)

Għall-valutazzjoni ta’ dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità, għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

(a)

il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li jimponi l-obbligu u tal-kompetituri tiegħu;

(b)

is-sehem tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online rilevanti li huma koperti mill-obbligi;

(c)

l-imġiba ta’ “homing” tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u tal-utenti finali (kemm-il servizz ta’ intermedjazzjoni online kompetitriċi jużaw);

(d)

l-eżistenza ta’ ostakli għad-dħul fis-suq rilevanti għall-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online;

(e)

is-sinifikat tal-kanali ta’ bejgħ dirett tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-punt sa fejn dawk ix-xerrejja jistgħu jneħħu l-prodotti tagħhom mill-pjattaformi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online (it-tneħħija mill-elenkar).

(362)

L-effetti restrittivi tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra ġeneralment ikunu aktar severi fejn jintużaw minn fornitur ewlieni wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online. Meta t-tali fornituri jkollhom mudell ta’ negozju simili, l-obbligi ta’ parità x’aktarx li jnaqqsu l-ambitu għat-tfixkil tal-mudell. Dan it-tip ta’ obbligu jista’ jippermetti wkoll lil mexxej tas-suq iżomm il-pożizzjoni tiegħu kontra fornituri iżgħar.

(363)

Is-sehem tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online rilevanti li huma soġġetti għall-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u l-imġiba ta’ “homing” ta’ dawk ix-xerrejja huma importanti, minħabba li jistgħu jindikaw li l-obbligi ta’ parità tal-fornitur jirrestrinġu l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ sehem mid-domanda li jaqbeż is-sehem mis-suq tal-fornitur. Pereżempju, fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jista’ jkollu sehem ta’ 20 % tat-tranżazzjonijiet totali li jsiru bl-użu ta’ tali servizzi, iżda x-xerrejja li fuqhom jimponi obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra jistgħu – minħabba li jużaw diversi pjattaformi – jammontaw għal aktar minn 50 % tat-tranżazzjonijiet totali tal-pjattaforma. F’dak il-każ, l-obbligi ta’ parità tal-fornitur jirrestrinġu l-kompetizzjoni fir-rigward ta’ aktar minn nofs id-domanda rilevanti totali.

(364)

Ix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online spiss jagħmlu “multi-homing” sabiex jilħqu lill-klijenti b’“single-homing” (li jużaw pjattaforma waħda biss) u ma jaqilbux bejn pjattaformi. Il-“multi-homing” tax-xerrejja jiġi inċentivat minn mudelli kummerċjali tal-pjattaforma li taħthom ix-xerrej għandu jħallas biss talli juża s-servizz ta’ intermedjazzjoni online meta s-servizz jiġġenera tranżazzjoni. Kif spjegat fil-paragrafu (363), il-“multi-homing” mix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jista’ jżid is-sehem mid-domanda totali għal tali servizzi li tiġi affettwata mill-obbligi ta’ parità ta’ fornitur. “Single-homing” mill-utenti finali jista’ jfisser li kull fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni jikkontrolla l-aċċess għal grupp distint ta’ utenti finali. Dan jista’ jżid is-setgħa ta’ negozjar tal-fornitur u l-kapaċità tiegħu li jimponi obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.

(365)

Is-swieq għall-provvista tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online spiss ikunu kkaratterizzati minn ostakli sinifikanti għad-dħul u għall-espansjoni, li jistgħu jaggravaw l-effetti negattivi tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Dawn is-swieq spiss ikollhom effetti indiretti pożittivi fuq in-network: fornituri ġodda jew iżgħar ta’ tali servizzi jistgħu jsibuha diffiċli sabiex jattiraw lix-xerrejja minħabba li l-pjattaformi tagħhom jipprovdu aċċess għal numri insuffiċjenti ta’ utenti finali. Meta l-utenti finali jkunu l-konsumaturi finali, il-lealtà lejn il-marka, is-“single-homing” u l-istrateġiji ta’ intrappolament tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni stabbiliti jistgħu joħolqu wkoll ostakli għad-dħul.

(366)

Ix-xerrejja ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jistgħu jbigħu wkoll il-prodotti jew is-servizzi tagħhom lill-utenti finali direttament. Tali bejgħ dirett jista’ jirrestrinġi l-kapaċità tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li jżidu l-prezz tas-servizzi tagħhom. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi vvalutat jekk tali kanali ta’ bejgħ dirett humiex koperti wkoll mill-obbligu ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, is-sehem tal-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi rilevanti li jsiru permezz tal-mezzi ta’ bejgħ dirett u permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online, u s-sostitwibbiltà taż-żewġ tipi ta’ kanali mill-perspettiva tal-bejjiegħa u tax-xerrejja tal-prodotti jew tas-servizzi intermedjati.

(367)

L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra jistgħu jipproduċu effetti restrittivi sinifikanti meta jiġu imposti fuq ix-xerrejja li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mid-domanda totali għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online rilevanti. Fil-każ ta’ effett antikompetittiv kumulattiv, l-effetti restrittivi ġeneralment jiġu attribwiti biss għall-obbligi ta’ parità tal-fornituri li s-sehem mis-suq tagħhom jaqbeż il-5 %.

(368)

Fil-prinċipju, l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jiġu imposti wkoll mill-bejjiegħa bl-imnut b’rabta mal-kundizzjonijiet li taħthom il-prodotti jew is-servizzi tal-bejjiegħ jiġu offruti lill-utenti finali minn bejjiegħa bl-imnut kompetituri. Madankollu, meta dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità jkun relatat mal-prezz, ġeneralment ikun jeħtieġ li l-bejjiegħ tal-prodotti jew tas-servizzi li jaċċetta l-obbligu jaqbel fuq prezz minimu tal-bejgħ (RPM) mal-bejjiegħa bl-imnut kompetituri li jinnegozja magħhom. L-RPM huwa restrizzjoni fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720. F’każijiet li fihom l-impriżi jkunu jistgħu jimplimentaw tali obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut f’konformità mar-regoli relatati mal-RPM, inkluż meta l-obbligu ta’ parità jkun relatat ma’ kundizzjonijiet għajr il-prezz, l-obbligi jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, il-gwida prevista fil-paragrafi minn (360) sa (367) tapplika b’analoġija.

8.2.5.2.   Obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut relatati mal-kanali ta’ bejgħ dirett

(369)

L-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut imposti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online relatati ma’ kanali ta’ bejgħ dirett jipprevjenu lix-xerrejja tas-servizzi milli joffru prezzijiet u kundizzjonijiet fuq il-kanali ta’ bejgħ dirett tagħhom li jkunu aktar favorevoli mill-kundizzjonijiet li joffru fuq il-pjattaforma tal-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li jimponi l-obbligu. Dawn l-obbligi spiss jissejħu obbligi ta’ parità “stretti” fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Fil-prinċipju, obbligi ta’ parità stretti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut ma jillimitawx il-kapaċità ta’ xerrej ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li joffri prezzijiet jew kundizzjonijiet aktar favorevoli permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online oħrajn. Madankollu, meta x-xerrej juża diversi fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li japplikaw obbligi ristretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, dawn l-obbligi jżommuh milli joffri kundizzjonijiet tal-kanali diretti tiegħu li jkunu aktar favorevoli mill-kundizzjonijiet li joffri fuq l-aktar pjattaforma intermedjarja għalja.

(370)

Obbligi ta’ parità ristretti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jeliminaw il-limitazzjoni eżerċitata mill-kanali ta’ bejgħ dirett tax-xerrej. Meta l-kompetizzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online tkun limitata, dawn l-obbligi jistgħu jippermettu lil fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jżomm prezz ogħla għas-servizzi tiegħu, li possibilment iwassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumatur għall-prodotti jew għas-servizzi intermedjati.

(371)

F’ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari meta n-numru ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun limitat, obbligi stretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jaffettwaw l-inċentivi tax-xerrejja tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online sabiex jgħaddu l-bidliet fil-prezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni fil-prezzijiet għall-konsumatur tagħhom. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li jkun simili għall-effett ta’ obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra.

8.2.5.3.   Valutazzjoni tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat

(372)

Meta l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jipproduċu effetti restrittivi sinifikanti, jeħtieġ li l-ġustifikazzjonijiet tal-effiċjenza possibbli jiġu vvalutati skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-aktar ġustifikazzjoni komuni għall-użu tal-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online hija li tiġi indirizzata problema ta’ parassitiżmu. Pereżempju, jista’ jkun li l-fornitur ma jkollux inċentiv sabiex jinvesti fl-iżvilupp tal-pjattaforma tiegħu, fis-servizzi ta’ qabel il-bejgħ jew fil-promozzjoni li ttejjeb id-domanda jekk il-benefiċċji ta’ tali investimenti f’termini ta’ żieda fil-bejgħ imorru għal pjattaformi kompetituri jew għal kanali ta’ bejgħ dirett li jistgħu joffru l-istess prodotti jew servizzi b’kundizzjonijiet aktar favorevoli.

(373)

Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat jinkludu jekk l-investimenti magħmulin mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online joħolqux benefiċċji oġġettivi, jiġifieri, jekk iżidux il-valur għall-utenti finali; jekk ir-riskju ta’ parassitiżmu fuq l-investimenti tal-fornitur jkunx reali u sostanzjali, u jekk it-tip u l-ambitu partikolari tal-obbligu ta’ parità jkunux indispensabbli għall-kisba tal-benefiċċji oġġettivi. Il-livell probabbli ta’ parassitiżmu jrid ikun suffiċjenti sabiex ikollu impatt sinifikanti fuq l-inċentivi għall-investiment fis-servizzi ta’ intermedjazzjoni online. L-evidenza tal-punt sa fejn l-utenti tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni (bejjiegħa u xerrejja) jagħmlu “multi-homing” hija partikolarment rilevanti, għalkemm huwa neċessarju wkoll li jiġi kkunsidrat jekk l-imġiba tagħhom hijiex influwenzata mill-effetti tal-obbligi ta’ parità. Jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jew il-kompetituri tiegħu joperaw fi swieq komparabbli oħrajn mingħajr ma jużaw obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew jużaw obbligi anqas restrittivi, dan jista’ jindika li l-obbligi ma humiex indispensabbli. Meta l-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online tkun ikkonċentrata ħafna u jkun hemm ostakli sinifikanti għad-dħul, il-ħtieġa li tiġi protetta l-kompetizzjoni residwa tista’ tegħleb it-titjib possibbli fl-effiċjenza. Ġustifikazzjonijiet oħrajn relatati mal-benefiċċji ġenerali pprovduti mill-pjattaformi intermedjarji, bħall-ġbir flimkien tan-nefqa promozzjonali tal-utenti, trasparenza akbar fil-prezzijiet jew tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jistgħu jissodisfaw biss il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkun jista’ juri rabta kawżali diretta bejn il-benefiċċju ddikjarat u l-użu tat-tip partikolari ta’ obbligu ta’ parità.

(374)

B’mod ġenerali, l-obbligi stretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut huma aktar probabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat milli l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut bejn pjattaforma u oħra. Dan huwa primarjament minħabba li l-effetti restrittivi tagħhom ikunu ġeneralment anqas severi u, għalhekk, aktar probabbli li jingħelbu mill-effiċjenzi. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ parassitiżmu mill-bejjiegħa ta’ prodotti jew ta’ servizzi permezz tal-kanali ta’ bejgħ dirett tagħhom jista’ jkun ogħla, b’mod partikolari minħabba li l-bejjiegħ ma jġarrab l-ebda spiża tal-kummissjoni tal-pjattaforma fuq il-bejgħ dirett tiegħu. Madankollu, meta l-obbligi stretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut ma jiġġenerawx effiċjenzi fis-sens tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jista’ jiġi rtirat. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fejn ir-riskju ta’ parassitiżmu jkun limitat jew meta l-obbligi stretti ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut ma jkunux indispensabbli sabiex jinkisbu l-effiċjenzi. Fin-nuqqas ta’ effiċjenzi, l-irtirar huwa partikolarment probabbli meta l-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jiġu applikati mill-akbar tliet fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online fis-suq rilevanti u dawk il-fornituri jkollhom sehem mis-suq kombinat li jaqbeż il-50 %. Fin-nuqqas ta’ effiċjenzi, l-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tiġi rtirata wkoll, skont iċ-ċirkostanzi partikolari, meta x-xerrejja li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tad-domanda rilevanti totali għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online jkunu soġġetti għal obbligi ta’ parità stretti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. L-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tiġi rtirata fir-rigward tal-akkordji tal-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li l-obbligi ta’ parità stretti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut tagħhom jagħtu kontribut sinifikanti għall-effett antikompetittiv kumulattiv, jiġifieri fornituri b’ishma mis-suq li jaqbżu l-5 %.

(375)

Dan li ġej huwa eżempju tal-użu ta’ obbligi ta’ parità stretti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut:

Fi Stat Membru partikolari, żewġ terzi mill-ikel tar-ristoranti li jitwasslu fid-djar għall-konsum, jiġu ordnati permezz ta’ pjattaformi online filwaqt li terz jiġi ordnat direttament mir-ristoranti. Il-pjattaformi A, B, Ċ u D jiġġeneraw 25 %, 20 %, 20 % u 15 %, rispettivament, tal-ordnijiet li jsiru permezz tal-pjattaformi. Il-pjattaformi A, B u Ċ operaw fl-Istat Membru għal bejn tliet snin u ħames snin u s-sehem tal-ordnijiet totali li saru permezz tal-pjattaformi kiber matul dan il-perjodu. Il-pjattaforma D daħlet fis-suq aktar reċentement. Il-pjattaformi jitolbu kummissjoni ta’ 15-20 % mir-ristoranti għal kull ordni. Il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi li jużaw il-pjattaformi jużaw pjattaforma waħda jew tnejn, filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-ristoranti li jużaw il-pjattaformi jużaw żewġ pjattaformi jew aktar.

Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-pjattaformi kollha introduċew klawżola ta’ parità stretta fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, li tipprevjeni lir-ristoranti milli joffru prezzijiet orħos għal ordnijiet diretti online jew ordnijiet bit-telefon. Fl-istess perjodu, tlieta mill-pjattaformi żiedu r-rata tal-kummissjoni standard tagħhom. Il-pjattaformi jsostnu li l-klawżola dwar il-parità stretta hija neċessarja sabiex tipprevjeni lir-ristoranti milli jwettqu parassitiżmu fuq l-investimenti tagħhom, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ funzjonijiet ta’ tiftix u ta’ tqabbil faċli għall-utent u ta’ servizzi ta’ pagament sikuri.

L-ebda waħda mill-akbar tliet pjattaformi ma żiedet karatteristiċi jew servizzi ġodda jew għamlet titjib sinifikanti fis-servizzi tagħha f’dawn l-aħħar tnax-il xahar. Ma hemm l-ebda evidenza konkreta ta’ riskju sinifikanti ta’ parassitiżmu, b’mod partikolari li sehem sinifikanti tal-konsumaturi jużaw il-pjattaforma biex ifittxu u jqabblu l-offerti tar-ristoranti, iżda li mbagħad jordnaw direttament mir-ristorant. Lanqas ma hemm evidenza li t-theddida allegata ta’ parassitiżmu affettwat b’mod negattiv l-investimenti tal-imgħoddi tal-pjattaformi fl-iżvilupp tas-servizzi tagħhom.

Jekk jiġi konkluż li s-suq tal-prodotti rilevanti jikkonsisti minn provvista ta’ servizzi tal-pjattaforma lir-ristoranti, il-provvista ta’ dawn is-servizzi tidher ikkonċentrata. Fid-dawl taż-żiediet ta’ dan l-aħħar fir-rati tal-kummissjoni tal-pjattaformi u n-nuqqas ta’ evidenza li l-klawżoli ta’ parità jipproduċu l-effiċjenzi, huwa probabbli li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jiġi rtirat fir-rigward tal-akkordji tar-ristoranti tal-erba’ pjattaformi kollha kemm huma.

8.2.5.4.   Obbligi ta’ parità upstream

(376)

Obbligi ta’ parità bejn pjattaforma u oħra u stretti jistgħu jiġu imposti wkoll mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti jew is-servizzi jiġu offruti lil impriżi li ma humiex utenti finali (pereżempju, lil bejjiegħa bl-imnut). Dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720. Fil-prinċipju, dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità upstream huwa kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni għall-forniment ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online b’modi simili għall-obbligi ta’ parità fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, għall-valutazzjoni ta’ dan it-tip ta’ obbligu ta’ parità upstream, huwa neċessarju wkoll li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni downstream, jiġifieri, bejn l-impriżi li jixtru l-prodotti jew is-servizzi permezz tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online. F’każijiet li fihom ma tapplikax l-eżenzjoni ta’ kategorija, il-gwida pprovduta fil-paragrafi (360) sa (374) tista’ tiġi applikata b’analoġija.

8.2.5.5.   Obbligi tal-klijenti l-aktar iffavoriti

(377)

L-obbligi ta’ parità jistgħu jiġu imposti wkoll mill-manifatturi, mill-bejjiegħa bl-ingrossa jew mill-bejjiegħa bl-imnut b’rabta mal-kundizzjonijiet li fihom jixtru prodotti jew servizzi bħala inputs mill-fornituri. Dan it-tip ta’ obbligu tradizzjonali tal-klijenti l-aktar iffavoriti ma jaffettwax direttament il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi akkwirenti jikkompetu downstream. It-tħassib ewlieni assoċjat mal-obbligi ta’ parità relatati mal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti jew is-servizzi jinxtraw bħala inputs huwa li dawn jistgħu jnaqqsu l-inċentivi tal-fornituri tal-input sabiex jikkompetu u, b’hekk, iżidu l-prezzijiet tal-input. Il-fatturi rilevanti għall-valutazzjoni ta’ dawn l-obbligi jinkludu d-daqs relattiv u s-saħħa fis-suq tal-fornitur u tax-xerrej li jaqblu fuq l-obbligu ta’ parità, is-sehem tas-suq rilevanti kopert minn obbligi simili, u l-ispiża tal-input inkwistjoni relattiva għall-ispejjeż totali tax-xerrejja.

(378)

L-obbligi tradizzjonali tal-klijenti l-aktar iffavoriti jistgħu joħolqu effiċjenzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. B’mod partikolari, jistgħu jippermettu li l-partijiet għal akkordju ta’ provvista fit-tul jimminimizzaw l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet. Jistgħu jipprevjenu wkoll l-imġiba opportunistika mill-fornitur u jindirizzaw problema ta’ rinunzja għal ċerti investimenti għax-xerrej, meta, pereżempju, ix-xerrej jista’ joqgħod lura milli jinvesti fi prodott ġdid jew milli jniedi prodott ġdid minħabba l-biża’ li l-fornitur tal-input jista’ jnaqqas il-prezz tiegħu għax-xerrejja sussegwenti. Dan it-tip ta’ effiċjenza huwa aktar probabbli f’relazzjonijiet fit-tul li jinvolvu investimenti mitlufin.

8.2.6.   Ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess

(379)

Ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess huma miżati fissi li l-fornituri jħallsu lid-distributuri fil-qafas ta’ relazzjoni vertikali fil-bidu ta’ perjodu rilevanti, sabiex ikollhom aċċess għan-network ta’ distribuzzjoni tagħhom u jħallsu s-servizzi pprovduti lill-fornituri mill-bejjigħa bl-imnut. Din il-kategorija tinkludi diversi prattiki, bħal l-applikazzjoni ta’ tariffi biex tiggarantixxi l-preżenża tal-prodott (179), l-hekk imsejħin tariffi ta’ ħlas għal permanenza (180), u pagamenti sabiex jinkiseb aċċess għal kampanji promozzjonali tad-distributur. Din it-taqsima 8.2.6. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-pagamenti bil-quddiem għall-aċċess f’każijiet individwali ogħla mil-limitu tas-sehem mis-suq stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2022/720.

(380)

Il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva ta’ distributuri oħrajn. Pereżempju, miżata għolja tista’ tinċentiva lil fornitur sabiex jgħaddi volum sostanzjali tal-bejgħ tiegħu permezz ta’ distributur wieħed jew numru limitat ta’ distributuri sabiex ikopri l-ispejjeż tal-miżata. F’każ bħal dan, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jista’ jkollhom l-istess effett ta’ esklużjoni downstream bħal tip ta’ obbligu ta’ provvista esklużiva. Sabiex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ dan it-tip ta’ effett negattiv, il-gwida relatata mal-obbligi ta’ provvista esklużiva tista’ tiġi applikata b’analoġija (b’mod partikolari l-paragrafi minn (321) sa (330).

(381)

B’mod eċċezzjonali, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jirriżultaw f’effetti ta’ esklużjoni upstream antikompetittivi. Pereżempju, meta d-distributur ikollu pożizzjoni ta’ negozjar b’saħħitha, jew l-użu ta’ pagamenti bil-quddiem għall-aċċess ikun mifrux, tali ħlasijiet jistgħu jżidu l-ostakoli għad-dħul għal fornituri żgħar. Sabiex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ dan it-tip ta’ effett negattiv, il-gwida relatata mal-obbligi ta’ marka unika tista’ tiġi applikata b’analoġija (b’mod partikolari l-paragrafi (298) sa (318)). Il-valutazzjoni trid tqis ukoll jekk id-distributur inkwistjoni jbigħx prodotti kompetituri taħt il-marka tiegħu stess. F’dak il-każ, jista’ jinħoloq ukoll tħassib orizzontali, bil-konsegwenza li l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2022/720 (ara t-Taqsima 4.4.3.).

(382)

Minbarra l-effetti possibbli ta’ esklużjoni, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni u jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn id-distributuri. Il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess x’aktarx li jżidu l-prezz mitlub mill-fornitur għall-prodotti tal-kuntratt, billi l-fornitur jeħtieġlu ikopri l-ispiża ta’ tali ħlasijiet. Prezzijiet ogħla tal-provvista jistgħu jnaqqsu l-inċentiv tal-bejjiegħa bl-imnut sabiex jikkompetu fuq il-prezz fis-suq downstream, filwaqt li l-profitti tad-distributuri jiżdiedu bħala riżultat tal-ħlasijiet għall-aċċess. Tali tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn id-distributuri permezz tal-użu kumulattiv ta’ ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess ġeneralment jirriżulta biss meta s-suq ta’ distribuzzjoni jkun ikkonċentrat ħafna.

(383)

Madankollu, l-użu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jista’ f’ħafna każijiet jikkontribwixxi għal allokazzjoni effiċjenti tal-ispazju fuq l-ixkafef għal prodotti ġodda. Meta l-fornituri jniedu prodotti ġodda, id-distributuri ta’ spiss ikollhom anqas informazzjoni mill-fornitur dwar jekk il-prodott il-ġdid huwiex probabbli li jkun ta’ suċċess u, b’riżultat ta’ dan, jistgħu jaħżnu kwantitajiet subottimali tal-prodott. Il-ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jistgħu jintużaw sabiex titnaqqas din l-assimetrija fl-informazzjoni bejn il-fornituri u d-distributuri, billi jippermettu b’mod espliċitu lill-fornituri jikkompetu għall-ispazju fuq l-ixkafef. B’hekk, id-distributur jista’ jirċievi twissija bil-quddiem dwar liema prodotti huma l-aktar probabbli li jkunu ta’ suċċess, billi fornitur ġeneralment jaqbel biss li jħallas miżata bil-quddiem għall-aċċess jekk huwa jqis li hemm probabbiltà baxxa li t-tnedija tal-prodott tfalli.

(384)

Barra minn hekk, minħabba l-assimetrija fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-fornituri jista’ jkollhom inċentivi għal parassitiżmu fuq l-isforzi promozzjonali tad-distributuri sabiex jintroduċu prodotti subottimali. Jekk prodott ma jkollux suċċess, id-distributuri jġarrbu parti mill-ispejjeż tal-falliment tal-prodott. L-użu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess jista’ jipprevjeni tali parassitiżmu billi jċaqlaq ir-riskju ta’ falliment tal-prodott lura għal fuq il-fornitur, u b’hekk jikkontribwixxi għal rata ottimali ta’ tnedijiet tal-prodott.

8.2.7.   Akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija

(385)

L-akkordji ta’ ġestjoni tal-kategorija huma akkordji (181) li taħthom id-distributur jafda lill-fornitur (il-“kaptan tal-kategorija”) bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kategorija ta’ prodotti. Dan jista’ jinkludi mhux biss il-prodotti tal-fornitur, iżda wkoll il-prodotti tal-kompetituri tal-fornitur. B’hekk, il-kaptan tal-kategorija jista’ jkollu influwenza fuq, pereżempju, it-tqegħid tal-prodotti u fuq il-promozzjoni tal-prodotti fil-ħanut u fuq l-għażla tal-prodotti għall-ħanut. L-akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 meta la l-ishma mis-suq tal-kaptan tal-kategorija u lanqas dawk tad-distributur ma jaqbżu t-30 %, u dment li l-akkordju ma jkunx jinkludi restrizzjonijiet fundamentali, pereżempju, restrizzjonijiet tal-kapaċità tad-distributur li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(386)

Filwaqt li l-akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija ġeneralment ma jqajmux tħassib, huma kapaċi jfixklu l-kompetizzjoni bejn il-fornituri u jirriżultaw f’esklużjoni antikompetittiva ta’ fornituri oħrajn, f’każijiet meta l-kaptan tal-kategorija jkun jista’ jillimita jew jiżvantaġġa d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ fornituri kompetituri. B’mod ġenerali, id-distributur ma huwiex se jkollu interess li jillimita l-għażla tal-prodotti tiegħu. Madankollu, meta d-distributur ibigħ ukoll prodotti kompetituri taħt il-marka proprja tiegħu, jista’ jkun li jkollu inċentivi li jeskludi ċerti fornituri. Sabiex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ tali effett ta’ esklużjoni upstream, il-gwida relatata mal-obbligi ta’ marka unika tista’ tiġi applikata b’analoġija (b’mod partikolari l-paragrafi (298) sa (318)). B’mod partikolari, jenħtieġ li din il-valutazzjoni tqis il-kopertura tas-suq tal-akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija, l-użu kumulattiv possibbli ta’ tali akkordji, u l-pożizzjoni fis-suq tal-fornituri kompetituri u tad-distributur.

(387)

L-akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija jistgħu, barra minn hekk, jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn id-distributuri meta l-istess fornitur iservi bħala kaptan tal-kategorija għad-distributuri kompetituri kollha jew għall-biċċa l-kbira tagħhom. Akkordji bħal dawn jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-kollużjoni bejn il-fornituri, permezz ta’ opportunitajiet akbar għall-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-suq, permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut, pereżempju informazzjoni marbuta ma’ pprezzar futur, ma’ pjanijiet promozzjonali jew ma’ kampanji ta’ reklamar (182). Ir-Regolament (UE) 2022/720 ma jkoprix tali skambji ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri. B’mod partikolari, il-gwida dwar l-iskambju ta’ informazzjoni prevista fil-paragrafi (95) sa (103) tapplika biss għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tax-xenarji ta’ distribuzzjoni doppja stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament. Madankollu, il-paragrafu (103), li jiddeskrivi l-prekawzjonijiet li l-impriżi jistgħu jieħdu sabiex jimminimizzaw ir-riskju ta’ kollużjoni li jirriżulta mill-iskambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ distribuzzjoni doppja, jista’ jkun rilevanti b’analoġija.

(388)

L-użu ta’ akkordji ta’ ġestjoni ta’ kategorija jista’ jwassal għal effiċjenzi. Akkordji bħal dawn jistgħu jippermettu lid-distributuri jkollhom aċċess għall-għarfien espert tal-fornitur dwar il-kummerċjalizzazzjoni għal ċertu grupp ta’ prodotti u jiksbu ekonomiji ta’ skala, billi jiżguraw li l-kwantità ottimali tal-prodotti tiġi ppreżentata fil-ħin xieraq. B’mod ġenerali, aktar ma jkun għoli l-grad ta’ kompetizzjoni bejn il-marki u aktar ma jkunu baxxi l-ispejjeż għall-konsumaturi sabiex jibdlu, aktar ikunu kbar il-benefiċċji ekonomiċi miksuba permezz ta’ ġestjoni ta’ kategorija.

8.2.8.   Irbit

(389)

L-irbit jirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom klijenti li jixtru prodott wieħed (il-prodott li jorbot) huma meħtieġa li jixtru wkoll prodott distint ieħor (il-prodott marbut) mingħand l-istess fornitur jew mingħand xi ħadd maħtur minn dan tal-aħħar. L-irbit jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 tat-Trattat (183). L-irbit jista’ jikkostitwixxi wkoll restrizzjoni vertikali fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat meta jirriżulta f’tip ta’ obbligu ta’ marka unika għall-prodott marbut (ara l-paragrafi (298) sa (318). Hija biss is-sitwazzjoni msemmija l-aħħar li hija ttrattata f’dawn il-Linji Gwida.

(390)

Jekk il-prodotti jitqisux bħala distinti jiddependi mid-domanda tal-klijenti. Żewġ prodotti jkunu distinti meta, fin-nuqqas tal-irbit, numru sostanzjali ta’ klijenti jixtru jew kienu jixtru l-prodott li jorbot mingħajr ma jixtru wkoll il-prodott marbut mill-istess fornitur, u b’hekk jippermettu produzzjoni awtonoma kemm għall-prodott li jorbot kif ukoll għall-prodott marbut (184). L-evidenza li żewġ prodotti huma distinti tista’ tinkludi evidenza diretta li, meta jingħataw għażla, il-klijenti jixtru l-prodotti li jorbtu u l-prodotti marbutin separatament minn sorsi ta’ provvista differenti, jew evidenza indiretta, bħall-preżenza fis-suq ta’ impriżi speċjalizzati fil-manifattura jew fil-bejgħ tal-prodott marbut mingħajr il-prodott li jorbot (185), jew evidenza li tindika li l-impriżi bi ftit saħħa fis-suq, partikolarment fi swieq kompetittivi, għandhom it-tendenza li ma jorbtux jew li ma jiġbrux flimkien tali prodotti. Pereżempju, billi l-klijenti jridu jixtru żraben bil-lazzijiet u ma huwiex prattiku għad-distributuri li jfornu żraben ġodda b’lazzijiet tal-għażla tagħhom, sar użu kummerċjali għall-manifatturi taż-żraben li jfornu żraben bil-lazzijiet. Għalhekk, il-bejgħ ta’ żraben bil-lazzijiet ma huwiex prattika ta’ rbit.

(391)

L-irbit jista’ jwassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittiva fis-suq marbut, fis-suq li jorbot, jew fit-tnejn li huma fl-istess ħin. L-effett ta’ esklużjoni jiddependi mill-persentaġġ marbut tal-bejgħ totali fis-suq tal-prodott marbut. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ x’jista’ jitqies bħala esklużjoni sinifikanti skont l-Artikolu 101(1), tista’ tiġi applikata l-analiżi għal marka unika. Irbit ifisser li hemm tal-anqas forma ta’ obbligu ta’ kwantità fuq ix-xerrej fir-rigward tal-prodott marbut. Barra minn hekk, meta jiġi miftiehem obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward tal-prodott marbut, dan iżid l-effett ta’ esklużjoni possibbli fis-suq tal-prodott marbut. L-irbit jista’ jwassal għal inqas kompetizzjoni għall-klijenti interessati li jixtru l-prodott marbut, iżda mhux il-prodott li jorbot. Jekk ma jkunx hemm numru suffiċjenti ta’ klijenti li jixtru l-prodott marbut waħdu sabiex isostnu lill-kompetituri tal-fornitur fis-suq marbut, l-irbit jista’ jwassal biex dawk il-klijenti jiffaċċjaw prezzijiet ogħla. Jekk il-prodott marbut ikun prodott komplementari importanti għall-klijenti tal-prodott li jorbot, tnaqqis ta’ fornituri alternattivi tal-prodott marbut u, b’hekk, disponibbiltà mnaqqsa ta’ dak il-prodott jistgħu jagħmlu d-dħul unikament fis-suq li jorbot aktar diffiċli.

(392)

L-irbit jista’ wkoll iwassal direttament għal prezzijiet li huma ’l fuq mil-livell kompetittiv, speċjalment fi tliet sitwazzjonijiet. L-ewwel nett, jekk il-prodott li jorbot u l-prodott marbut jistgħu jintużaw fi proporzjonijiet varjabbli bħala inputs għal proċess ta’ produzzjoni, il-klijenti jistgħu jirreaġixxu għal żieda fil-prezz għall-prodott li jorbot billi jżidu d-domanda tagħhom għall-prodott marbut, filwaqt li jnaqqsu d-domanda tagħhom għall-prodott li jorbot. Permezz tal-irbit taż-żewġ prodotti, il-fornitur jista’ jipprova jevita din is-sostituzzjoni u, b’riżultat ta’ dan, ikun jista’ jgħolli l-prezzijiet tiegħu. It-tieni, l-irbit jista’ jippermetti diskriminazzjoni fil-prezzijiet skont l-użu li jagħmel il-klijent mill-prodott li jorbot, pereżempju l-irbit ta’ cartridges tal-linka mal-bejgħ ta’ magni tal-iffotokopjar (“metering”). It-tielet, fil-każ ta’ kuntratti fit-tul jew fil-każ ta’ swieq ta’ wara l-bejgħ b’tagħmir oriġinali b’ħin twil ta’ sostituzzjoni, jista’ jsir diffiċli għall-klijenti sabiex jikkalkolaw il-konsegwenzi tal-irbit.

(393)

L-irbit jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720 meta s-sehem mis-suq tal-fornitur, kemm fis-suq tal-prodott marbut kif ukoll fis-suq tal-prodott li jorbot, u s-sehem mis-suq tax-xerrej, fis-swieq upstream rilevanti, ma jaqbżux it-30 %. Dan jista’ jkun ikkombinat ma’ restrizzjonijiet vertikali oħrajn, li ma humiex restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tar-Regolament, bħal obbligu li ma ssirx kompetizzjoni jew obbligu ta’ kwantità fir-rigward tal-prodott li jorbot, jew ix-xiri esklużiv. Il-bqija ta’ din it-taqsima 8.2.8. tipprovdi gwida għall-valutazzjoni tal-irbit f’każijiet individwali ’l fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq.

(394)

Il-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur fis-suq tal-prodott li jorbot hija ovvjament ta’ importanza ċentrali għall-valutazzjoni tal-effetti antikompetittivi possibbli. B’mod ġenerali, dan it-tip ta’ akkordju jiġi impost mill-fornitur. L-importanza tal-fornitur fis-suq tal-prodott li jorbot hija r-raġuni ewlenija għaliex xerrej jista’ jsibha diffiċli li jirrifjuta obbligu ta’ rbit.

(395)

Il-pożizzjoni fis-suq tal-kompetituri tal-fornitur fis-suq tal-prodott li jorbot hija importanti fil-valutazzjoni tas-saħħa tal-fornitur fis-suq. Sakemm il-kompetituri tiegħu ma jkunux numerużi u b’saħħithom biżżejjed, ma jista’ jkun mistenni l-ebda effett antikompettitiv, billi x-xerrejja jkollhom alternattivi suffiċjenti biex jixtru l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut, sakemm ma jkunx hemm fornituri oħrajn li japplikaw irbit simili. Barra minn hekk, l-ostakoli għad-dħul fis-suq tal-prodott li jorbot huma rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni fis-suq tal-fornitur. Meta l-irbit ikun ikkombinat ma’ obbligu li ma ssirx kompetizzjoni fir-rigward tal-prodott li jorbot, dan isaħħaħ b’mod konsiderevoli l-pożizzjoni tal-fornitur.

(396)

Is-saħħa tax-xerrej hija rilevanti, billi xerrejja importanti ma jkunux faċilment imġiegħla jaċċettaw l-irbit mingħajr ma jiksbu tal-anqas parti mill-effiċjenzi possibbli. Għalhekk, l-irbit li ma huwiex ibbażat fuq l-effiċjenza huwa prinċipalment riskju fejn ix-xerrejja ma jkollhomx saħħa tax-xiri sinifikanti.

(397)

Meta jkunu stabbiliti effetti antikompetittivi sinifikanti, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. L-obbligi ta’ rbit jistgħu jgħinu sabiex jipproduċu effiċjenzi li jinħolqu minn produzzjoni konġunta jew minn distribuzzjoni konġunta. Meta l-prodott marbut ma jkunx prodott mill-fornitur, tista’ tinħoloq ukoll effiċjenza mill-fatt li l-fornitur jixtri kwantitajiet kbar tal-prodott marbut. Madankollu, sabiex l-irbit jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, irid jintwera li tal-anqas parti minn dak it-tnaqqis fl-ispejjeż qed tiġi ttrasferita lill-konsumatur, li normalment ma jkunx il-każ meta l-bejjiegħ bl-imnut ikun jista’ jikseb, fuq bażi regolari, provvisti tal-istess prodotti jew ta’ prodotti ekwivalenti bl-istess kundizzjonijiet jew b’kundizzjonijiet aħjar minn dawk offruti mill-fornitur li japplika l-prattika tal-irbit. Tista’ teżisti effiċjenza oħra fejn l-irbit jgħin sabiex jiġu żgurati ċerti uniformità u standardizzazzjoni tal-kwalità (ara l-paragrafu (16), il-punt (h)). Madankollu, jeħtieġ li jintwera li l-effetti pożittivi ma jistgħux jiġu rrealizzati b’mod effiċjenti bl-istess mod billi x-xerrej jintalab juża jew ibigħ mill-ġdid prodotti li jissodisfaw standards minimi ta’ kwalità, mingħajr ma jintalab jixtrihom mingħand il-fornitur jew mingħand xi ħadd maħtur minn dan tal-aħħar. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-istandards minimi ta’ kwalità normalment ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Meta l-fornitur tal-prodott li jorbot jeħtieġ li x-xerrej jixtri l-prodott marbut mingħand fornituri deżinjati, pereżempju minħabba li l-formulazzjoni ta’ standards minimi ta’ kwalità ma tkunx possibbli, dan jista’ wkoll jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, speċjalment meta l-fornitur tal-prodott li jorbot ma jiksibx benefiċċju (finanzjarju) dirett mid-deżinjazzjoni tal-fornituri tal-prodott marbut.

(1)  Dawn il-Linji Gwida jissostitwixxu l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar Restrizzjonijiet Vertikali (ĠU C 130, 19.5.2010, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u ta’ prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4).

(3)  Ara l-paragrafu (51).

(4)  Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-operat tar-Regolament (UE) 2022/720 u ta’ dawn il-Linji Gwida u tista’ tirrevedi dan l-avviż fid-dawl ta’ żviluppi futuri.

(5)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5) jew kull gwida futura tal-Kummissjoni marbuta mad-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni inkluża kull gwida li għandha mnejn tissostitwixxi l-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(7)  Aktar gwida dwar id-definizzjoni ta’ “akkordju vertikali” fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/720 hija pprovduta fit-Taqsima 4.2. ta’ dawn il-Linji Gwida.

(8)  Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage Corporation u Continental Can Company vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 6/72, EU:C:1973:22, il-punti 25 u 26; is-17 ta’ Frar 2011, Konkurrensverket vs TeliaSonera Sverige AB, il-Kawża C-52/09, EU:C:2011:83, il-punti 20 sa 24; u t-18 ta’ Novembru 2021, SIA “Visma Enterprise” vs Konkurences padome, il-Kawża C-306/20, EU:C:2021:935, il-punt 58 (“il-Kawża C-306/20 - Visma Enterprise”).

(9)  Ara pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Grundig-Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni tal-KEE, il-Kawżi Magħquda 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41; 30 ta’ Ġunju 1966Société Technique Minière vs Maschinenbau Ulm, 56/65, EU:C:1966:38 (“il-Kawża 56/65 - Société Technique Minière”); u l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-77/92, EU:T:1994:85 (“il-Kawża T-77/92 - Parker Pen”).

(10)  Għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, l-Artikolu 1(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/720 jiddefinixxi “restrizzjoni vertikali” bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fil- kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat [enfasi miżjuda]”. Aktar gwida dwar l-akkordji vertikali li ġeneralment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat hija pprovduta fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(11)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż – Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97), li tiddeskrivi l-metodoloġija u l-interpretazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 101(3) tiegħu.

(12)  Ara l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(13)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 dwar Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa (COM(2021) 350 final).

(14)  F’każijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni jinkludi definizzjonijiet ta’ sostenibbiltà, ta’ diġitalizzazzjoni jew ta’ reżiljenza, il-valutazzjoni tal-akkordji vertikali tista’ tqis dawn id-definizzjonijiet.

(15)  Ara l-paragrafi (144) u (316).

(16)  Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għal akkordji ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(17)  Il-Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat għall-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU C 11, 14.1.2011, p. 1).

(18)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-306/20 - Visma Enterprise, il-punt 78.

(19)  Ara l-paragrafu 25 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(20)  Din xi kultant tissejjaħ il-“problema ta’ emarġinazzjoni doppja”.

(21)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali, id-dokument SWD(2020) 172 final tal-10 ta’ Mejju 2017, il-paġni 31 sa 42 u l-istudju ta’ evalwazzjoni referenzjat; Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2017, Rapport finali dwar l-inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku, COM(2017) 229 final (minn hawn ’il quddiem ir-“Rapport Finali dwar l-Inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku”), il-paragrafu 11.

(22)  Jekk il-konsumaturi attwalment jibbenefikawx globalment minn sforzi żejda ta’ promozzjoni jiddependi fuq jekk il-promozzjoni żejda tinformax u tikkonvinċix u, għalhekk, tibbenefikax lil ħafna klijenti ġodda jew prinċipalment tilħaqx klijenti li diġà jafu dak li jridu jixtru u li għalihom il-promozzjoni żejda timplika biss jew prinċipalment żieda fil-prezz.

(23)  Ara, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “obbligu li ma ssirx kompetizzjoni” fl-Artikolu 1(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2022/720, li fuqu hija pprovduta gwida fit-Taqsima 6.2. ta’ dawn il-Linji Gwida, u l-gwida dwar “markar uniku” pprovduta fit-Taqsima 8.2. ta’ dawn il-Linji Gwida.

(24)  Fir-rigward tal-kunċetti ta’ kollużjoni espliċita u taċita, ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120.

(25)  Ara s-sentenza fil-Kawża C-306/20 - Visma Enterprise, il-punt 78.

(26)  L-effetti antikompetittivi kumulattivi jistgħu jiġġustifikaw b’mod partikolari l-irtirar tal-benefiċċju tar-Regolament (UE) 2022/720, ara t-taqsima 7.1. ta’ dawn il-Linji Gwida.

(27)  Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia Inc. vs Autorité de la concurrence u Oħrajn, C-226/11, EU:C:2012:795, il-punti 16 u 17 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-226/11 - Expedia”).

(28)  Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 81).

(29)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar akkordji ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 291, 30.8.2014, p. 1). Hija pprovduta gwida ulterjuri fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Gwida dwar ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “skont l-għan” għall-fini tad-definizzjoni ta’ liema akkordji jistgħu jibbenefikaw mill-Avviż De Minimis, SWD(2014) 198 final.

(30)  Ara l-paragrafu 50 tal-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ.

(31)  Ara l-paragrafu 52 tal-Linji Gwida dwar l-Effett fuq il-Kummerċ.

(32)  Ara l-paragrafu 8 tal-Avviż De Minimis, li jinkludi wkoll limitu tas-sehem mis-suq għal akkordji bejn kompetituri attwali jew potenzjali, skont liema tali akkordji ma jirrestrinġux b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat jekk is-sehem mis-suq aggregat miżmum mill-partijiet għall-akkordju ma jaqbiżx l-10 % fi kwalunkwe wieħed mis-swieq rilevanti affettwati mill-akkordju.

(33)  Ara s-sentenza fil-Kawża C-226/11 - Expedia, il-punti 21 sa 23 u 37, b’referenza għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk vs Vervaecke, C-5/69, EU:C:1969:35; ara wkoll is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 1971, Cadillon vs Höss, C-1/71, EU:C:1971:47; u tat-28 ta’ April 1998, Javico vs Yves Saint Laurent Parfums, C-306/96, EU:C:1998:173, il-punti 16 u 17 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-306/96 - Javico vs Yves Saint Laurent Parfums”).

(34)  Ara l-Kawża C-226/11 - Expedia, il-punt 37.

(35)  Ara l-paragrafu 8 tal-Avviż De Minimis.

(36)  Ara l-paragrafu 3 tal-Avviż De Minimis. Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Langnese-Iglo vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-7/93, EU:T:1995:98, il-punt 98.

(37)  Kif definit fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(38)  Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-325/01, EU:T:2005:322 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża T-325/01 - DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni”); l-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Espanola de Empresarios de Estaciones de Servicio vs CEPSA, il-Kawża C-217/05, EU:C:2006:784; u l-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA Estaciones de Servicio SA vs LV Tobar e Hijos SL, il-Kawża C-279/06, EU:C:2008:485.

(39)  Ara t-Taqsima 3.2.2. ta’ dawn il-Linji Gwida fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-akkordju ta’ aġenzija li xorta jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(40)  Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1987, ASBL Vereniging van Vlaamse Reisbureaus contre ASBL Sociale Dienst van de Plaatselijke en Gewestelijke Overheidsdiensten, il-Kawża 311/85, EU:C:1987:418, il-punt 20.

(41)  Ara wkoll il-paragrafu (192). B’mod partikolari, skont akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, l-aġent jeħtieġlu jibqa’ liberu li jnaqqas il-prezz effettiv imħallas mill-klijent, billi jaqsam ir-remunerazzjoni tiegħu mal-klijent.

(42)  Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, “Suiker Unie” vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi magħquda 40 sa 48, 50, 54 to 56, 111, 113 u 114/73, EU:C:1975:174., il-punti 537 sa 557.

(43)  Ara l-Kawża T-325/01 - DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, il-punti 100 u 113.

(44)  L-avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 1978 rigward l-evalwazzjoni tagħha ta’ ċerti ftehim ta’ sottokuntratti relatati mal-Artikolu 85(1) tat-Trattat tal-KEE (ĠU C 1, 3.1.1979, p. 2).

(45)  Ara l-paragrafu 2 tal-Avviż dwar is-Sottokuntrattar, li jipprovdi aktar kjarifiki, b’mod partikolari, dwar l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u tal-għarfien espert.

(46)  Ara l-paragrafu 3 tal-Avviż dwar is-Sottokuntrattar.

(47)  Fir-rigward tar-restrizzjonijiet esklużi u tat-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2022/720, ara t-taqsima 6.2 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(48)  Ara s-sentenza fil-Kawża C-56/65 - Société Technique Minière vs Maschinenbau Ulm, il-paġna 249.

(49)  F’konformità mal-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) 2022/720, f’dawn il-Linji Gwida, it-terminu “akkordju vertikali” jinkludi prattiki miftiehma vertikali, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.

(50)  Bil-maqlub, meta jkun jeżisti akkordju vertikali fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat, l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 u dawn il-Linji Gwida hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni parallela possibbli tal-Artikolu 102 tat-Trattat għall-akkordju vertikali.

(51)  Ara s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, il-Kawża C-450/19, Kilpailu- ja kuluttajavirasto, EU:C:2021:10, il-punt 21.

(52)  Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen AG, il-Kawża C-74/04 P, EU:C:2006:460, il-punti 39 sa 42.

(53)  Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer AG vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-41/96, EU:T:2000:242, il-punt 120.

(54)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40428 - Guess, il-premessa 97, b’referenza għas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Sandoz Prodotti Farmaceutici vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-277/87, EU:C:1990:6, il-punt 2, u s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot u Peugeot Nederland vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-450/05, EU:T:2009:262, il-punti 168 sa 209.

(55)  Ara wkoll il-paragrafu (30).

(56)  Ara l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċdura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(57)  Ara wkoll l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(58)  Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, X, il-Kawża C-390/18, EU:C:2019:1112, il-punti minn 58 sa 69.

(59)  Il-gwida pprovduta f’din it-taqsima 4 ta’ dawn il-Linji Gwida hija mingħajr preġudizzju għall-kategorizzazzjoni ta’ impriżi li huma parti għal akkordji li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720.

(60)  Il-limitu massimu tal-fatturat annwali ta’ EUR 50 miljun huwa bbażat fuq il-limitu tal-fatturat għall-SMEs fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

(61)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, (ĠU C 89, 28.3.2014, p. 3).

(62)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal- 21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17).

(63)  Il-paragrafi (85) sa (87) japplikaw, permezz ta’ analoġija, għal tipi oħrajn ta’ akkordji ta’ distribuzzjoni li jinvolvu t-trasferiment ta’ għarfien espert sostanzjali mill-fornitur lix-xerrej.

(64)  Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) and Others vs Competition and Markets Authority, il-Kawża C-307/18, EU:C:2020:52, il-punti 36 sa 45; il-25 ta’ Marzu 2021, H. Lundbeck A/S u Lundbeck Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kawża C-591/16 P, EU:C:2021:243, il-punti 54 sa 57.

(65)  Dan huwa mingħajr preġudizzjoni għall-applikazzjoni tal-Avviż dwar is-Subkuntrattar, ara l-paragrafu (47) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(66)  Il-gwida pprovduta f’dawn il-Linji Gwida hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1) u liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni fis-sens tal-paragrafu (97) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(67)  Ara l-paragrafu 31 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(68)  Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-eżempji jkopru l-informazzjoni kkomunikata mill-fornitur jew mix-xerrej, irrispettivament mill-frekwenza tal-komunikazzjoni u irrispettivament minn jekk l-informazzjoni tkunx relatata ma’ mġiba fil-passat, fil-preżent jew fil-futur.

(69)  Ara t-Taqsima 6.1.1. għal aktar gwida dwar l-RPM, inkluż dwar mezzi indiretti għall-applikazzjoni tal-RPM.

(70)  Pereżempju, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu2(4), tal-Artikolu 2(5) jew tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ma jiġux issodisfati.

(71)  Ara l-kapitolu dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fil-Linji Gwida Orizzontali u kwalunkwe verżjoni futura ta’ dawn il-Linji Gwida.

(72)  L-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2022/720 tippresupponi li l-akkordju vertikali konkluż mill-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online b’funzjoni ibrida ma jikkwalifikax bħala akkordju ta’ aġenzija li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, ara l-paragrafi (46) u (63).

(73)  Ara l-paragrafu (90).

(74)  Ara l-paragrafu (26).

(75)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 36).

(76)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43).

(77)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 tas-27 ta’ Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 129, 28.5.2010, p. 52).

(78)  Ara wkoll it-Taqsimiet 6.1.2.3.1 u 6.1.2.3.2.

(79)  Ara wkoll it-Taqsima 6.1.2.3.3.

(80)  Ara l-Artikolu 1(1)(h) tar-Regolament (UE) 2022/720.

(81)  Ara l-Kawża C-306/20 - Visma Enterprise, il-punt 78.

(82)  Eżempju ta’ dan huwa meta l-fornitur jaħtar distributur dedikat sabiex iwieġeb għal stediniet għal sejħiet għal offerti mill-awtoritajiet pubbliċi relatati ma’ tagħmir tal-IT jew ma’ provvisti tal-uffiċċju.

(83)  Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 26/76, EU:C:1977:167, il-punti 20 u 21 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-26/76 - Metro vs Il-Kummissjoni”); il-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal vs De Nieuwe AMCK, C-31/80, EU:C:1980:289, il-punti 15 u 16 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-31/80 - L’Oréal vs De Nieuwe AMCK”); it-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS vs Président de l’Autorité de la concurrence, il-Kawża C-439/09, EU:C:2011:649, il-punt 41 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique”); is-6 ta’ Diċembru 2017, Coty Germany GmbH vs Parfümerie Akzente GmbH, il-Kawża C-230/16, EU:C:2017:941, il-punt 24 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-230/16 - Coty Germany”).

(84)  Ara fil-Kawża C-26/76 - Metro vs Il-Kummissjoni, il-punti 20 sa 22; is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-107/82, EU:C:1983:293, il-punti 33, 34 u 73 (minn hawn ’il quddiem il-“Kawża C-107/82 - AEG vs Il-Kummissjoni”); it-22 ta’ Ottubru 1986, Metro vs Il-Kummissjoni, C-75/84, EU:C:1986:399, il-punt 45; it-12 ta’ Diċembru 1996, Leclerc vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-88/92, EU:T:1996:192, il-punt 106.

(85)  Ara l-Kawża C-26/76 - Metro vs Il-Kummissjoni; u l-Kawża C-107/82 - AEG vs Il-Kummissjoni.

(86)  Ara l-Kawża C-230/16 - Coty Germany.

(87)  Ara l-Kawża C-230/16 - Coty Germany, il-punti 25 sa 29.

(88)  Ara l-Kawża C-26/76 - Metro vs Il-Kummissjoni, il-punti 20 u 21; Il-Kawża C-31/80 - L’Oréal vs De Nieuwe AMCK, il-punti 15 u 16; Il-Kawża C-107/82 - AEG vs Il-Kummissjoni, il-punt 35; is-27 ta’ Frar 1992, Vichy vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-19/91, EU:T:1992:28, il-punt 65.

(89)  Ara l-paragrafu (149).

(90)  Ara l-Kawża C-230/16 – Coty Germany, il-punti 43 sa 58.

(91)  Ara l-Kawża C-230/16 – Coty Germany, b’mod partikolari l-punt 67; ara wkoll il-paragrafu (208) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(92)  Ara wkoll il-paragrafu (208).

(93)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punt 54. Ara wkoll it-Taqsima 6.1.2.3.2.

(94)  Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Auto 24 SARL vs Jaguar Land Rover France SAS, il-Kawża C-158/11, EU:C:2012:351, il-punt 31.

(95)  Ara l-Kawża C-306/20 - Visma Enterprise, il-punt 78.

(96)  Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris GmbH vs Pronuptia de Paris Irmgard Schillgallis, C-161/84, EU:C:1986:41, il-punt 16.

(97)  Għal dan l-għan, kwalunkwe bejgħ mid-distributur integrat tal-oġġetti jew tas-servizzi ta’ fornituri kompetituri ma jiġix ikkunsidrat.

(98)  Ara l-Kawża C-306/96 - Javico vs Yves Saint Laurent Parfums, il-punt 20.

(99)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Gwida dwar ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “skont l-għan” għall-fini tad-definizzjoni ta’ liema akkordji jistgħu jibbenefikaw mill-Avviż De Minimis, 25 ta’ Ġunju 2014, SWD(2014) 198 final, p. 4.

(100)  Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni Ewropea, C-373/14 P, EU:C:2016:26, il-punt 26.

(101)  Ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Budapest Bank u Oħrajn, il-Kawża C-228/18, EU:C:2020:265, il-punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(102)  Ara b’mod partikolari l-punti (a) sa (i) tal-paragrafu (16) ta’ dawn il-Linji Gwida li jiddeskrivu t-tipi ta’ effiċjenza li huma ġeneralment assoċjati ma’ restrizzjonijiet vertikali u t-Taqsima 6.1.1. ta’ dawn il-Linji Gwida dwar l-RPM. Għal gwida ġenerali dwar il-valutazzjoni tal-effiċjenzi, ara wkoll il-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).

(103)  Ta’ min jinnota li l-RPM tista’ tkun marbuta ma’ restrizzjonijiet oħrajn, inkluża kollużjoni orizzontali fil-forma ta’ arranġamenti “hub-and-spoke”. Dawn huma indirizzati fil-paragrafu 55 tal-Linji Gwida Orizzontali.

(104)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40428 - Guess, il-Premessi 84, 86 u 137.

(105)  Ara r-Rapport Finali dwar l-Inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-paragrafi 602 sa 603.

(106)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’AT.40182 - Pioneer, il-premessi 136 u 155; AT.40469 - Denon & Marantz, il-premessa 95; AT.40181 - Philips, il-premessa 64; AT.40465 - Asus, il-premessa 27.

(107)  Ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità tal-fornituri tas-servizz ta’ intermedjazzjoni online fis-sens tal-Artikolu1(1)(e) tar-Regolament li jikkondividu r-remunerazzjoni tagħhom marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ma humiex restrizzjonijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament, billi ma jirrestrinġux il-kapaċità ta’ xerrej li jiddetermina l-prezz ta’ bejgħ tiegħu. Ara wkoll il-paragrafi (64) sa (67) ta’ dawn il-Linji Gwida, b’mod partikolari l-paragrafu (67), il-punt (a).

(108)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża Nru IV/32.737 - Eirpage, b’mod partikolari l-Premessa 6.

(109)  Din il-gwida hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-akkordji orizzontali bejn il-bejjiegħa bl-imnut li jistabbilixxu u joperaw tali mudell ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, filwaqt li titqies il-gwida pprovduta mil-Linji Gwida Orizzontali.

(110)  Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon vs AMP, C-243/83, EU:C:1985:284, il-punt 44; l-1 ta’ Ottubru 1987, VVR vs Sociale Dienst van de Plaatselijke en Gewestelijke Overheidsdiensten, C-311/85, EU:C:1987:418, il-punt 17; id-19 ta’ April 1988, Erauw-Jacquery vs La Hesbignonne, C-27/87, EU:C:1988:183, il-punt 15.

(111)  Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-impriża li titlob il-benefiċċju tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat iġġorr l-oneru tal-provi li turi li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu tat-Trattat huma ssodisfati.

(112)  Ara f’dan ir-rigward il-paragrafi (13) u (16).

(113)  Ara wkoll il-paragrafi (204), (206) u (210) relatati ma’ diversi tipi ta’ bejgħ online u ma’ restrizzjonijiet fuq ir-reklamar online.

(114)  Ara wkoll il-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punt 54.

(115)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40428 - Guess, il-premessi 118 sa 126.

(116)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo- Cosmétique, il-punti 56 u 57 u l-paragrafu (224) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(117)  Ara, pereżempju, il-Kawża T-77/92 - Parker Pen vs Il-Kummissjoni, il-punt 37.

(118)  Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot and Peugeot Nederland vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-450/05, EU:T:2009:262, il-punt 47.

(119)  Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2009, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-62/98, EU:T:2000:180, il-punt 44.

(120)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40433 - Film merchandise, il-premessa 54.

(121)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni F’AT.40433 - Film merchandise, il-premessi 52 u 53.

(122)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40436 - Nike, il-premessa 57; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40433 - Film merchandise, il-premessi 61 sa 63.

(123)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.37975 - PO/Yamaha, il-premessi 111 u 112. Min-naħa l-oħra, arranġament li permezz tiegħu l-fornitur jaqbel mad-distributuri tiegħu li meta distributur wieħed jagħmel bejgħ f’territorju li jkun ġie allokat lil distributur ieħor, l-ewwel distributur jeħtieġlu jħallas lit-tieni distributur tariffa bbażata fuq il-kost tas-servizzi li għandhom jitwettqu ma għandux l-għan li jirrestrinġi l-bejgħ mid-distributuri barra mit-territorji allokati tagħhom (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni , il-Kawża T-67/01, EU:T:2004:3, il-punti 136 sa 145).

(124)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40436 - Nike, il-premessi 71 u 72; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40433 - Film merchandise, il-premessi 65 u 66.

(125)  L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/302.

(126)  L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/302.

(127)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punti 36 u 37.

(128)  Ara wkoll il-paragrafu (203).

(129)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40428 - Guess, il-premessi 118 sa 126.

(130)  Għal eżempji oħrajn, ara r-Rapport Finali dwar l-Inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku, il-paragrafu 241.

(131)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punti 56 u 57, u l-paragrafu (224) ta’ dawn il-Linji Gwida.

(132)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.40428 - Guess, il-premessi 118 sa 126, u l-paragrafu 200 ta’ dawn il-Linji Gwida.

(133)  Il-Kawża C-230/16 - Coty Germany, il-punti 64 sa 69; ara wkoll it-Taqsima 8.2.3. ta’ dawn il-Linji Gwida.

(134)  Ara wkoll il-paragrafu (206), il-punt (g).

(135)  Ara wkoll il-paragrafu 203.

(136)  Ara wkoll il-paragrafu 208, il-punt (e).

(137)  Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Peter Pammer vs Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG u Hotel Alpenhof GesmbH vs Oliver Heller, il-Kawżi Magħquda C-585/08 u C-144/09, EU:C:2010:740, il-punt 93.

(138)  Ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 60I, 2.3.2018, p. 1).

(139)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punti 56 u 57.

(140)  Ara wkoll il-paragrafu (222) li jikkonċerna r-Regolament (UE) 2018/302.

(141)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punti 55 sa 58.

(142)  Ara wkoll il-paragrafu (222) li jikkonċerna r-Regolament (UE) 2018/302.

(143)  Ara l-paragrafu (227).

(144)  Ara l-paragrafu (237).

(145)  Ara wkoll il-paragrafu (222) li jikkonċerna r-Regolament (UE) 2018/302.

(146)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża AT.40428 - Guess, il-premessi 65 sa 78.

(147)  Ara wkoll il-paragrafu (116).

(148)  Ara l-Kawża C-439/09 - Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, il-punti 55 sa 58.

(149)  Ara wkoll il-paragrafu (222) li jikkonċerna r-Regolament (UE) 2018/302.

(150)  Il-qrati tal-Istati Membri lanqas ma jistgħu jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720 billi jestendu l-isfera ta’ applikazzjoni tiegħu għal akkordji mhux koperti mir-Regolament (UE) 2022/720. Kwalunkwe estensjoni bħal din, irrispettivament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tkun taffettwa l-mod li bih il-Kummissjoni teżerċita l-kompetenza leġiżlattiva tagħha (is-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Stergios Delimitis vs Henninger Bräu AG, C-234/89, EU:C:1991:91, il-punt 46 (“il-Kawża C-234/89 - Delimitis”).

(151)  Madankollu, x’aktarx li ma jkunx jeżisti effett kumulattiv ta’ esklużjoni jekk in-networks paralleli ta’ akkordji vertikali jkopru anqas minn 30 % tas-suq rilevanti, ara l-paragrafu 10 tal-Avviż De Minimis.

(152)  Fornituri jew distributuri individwali b’sehem mis-suq li ma jaqbiżx il-5 % ġeneralment ma jitqisux li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal effett kumulattiv ta’ esklużjoni, ara l-paragrafu 10 tal-Avviż De Minimis; u l-Kawża C-234/89 - Delimitis vs Henninger Bräu, il-punti 24 sa 27.

(153)  Il-valutazzjoni ta’ tali kontribuzzjoni ssir f’konformità mal-kriterji stabbiliti fit-taqsima 8 relatati mal-politika ta’ infurzar f’każijiet individwali.

(154)  Ara l-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(155)  Jekk akkordju vertikali jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, kif stabbilit fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-Linji Gwida, ma tirriżultax il-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/720, minħabba li r-Regolament (UE) 2022/720 jiddefinixxi kategoriji ta’ akkordji vertikali li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li jippresupponi li l-akkordju vertikali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(156)  Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tissostanzja li waħda mill-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma tkunx issodisfata. Dan minħabba li, sabiex tkun tapplika l-eċċezzjoni tal-Artikolu 101(3), iridu jiġu ssodisfati l-erba’ kundizzjonijiet kollha.

(157)  Ir-rekwiżit skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) 1/2003 rigward l-oneru tal-provi tal-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti jirriżulta mis-sitwazzjoni li fiha ma jkunx japplika r-Regolament (UE) 2022/720 u impriża tinvoka l-Artikolu 101(3) tat-Trattat f’każ individwali. F’dik is-sitwazzjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, l-impriża għandha l-oneru tal-provi li turi li l-erba’ kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat huma ssodisfati. Għal dan l-għan, jeħtiġilha tissostanzja l-affermazzjonijiet tagħha, ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’AT.39226 - Lundbeck, ikkonfermati fis-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T-472/13, EU:T:2016:449; u tal-25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-591/16 P, EU:C:2021:243.

(158)  Il-Kummissjoni użat is-setgħa tagħha sabiex tirtira l-benefiċċju tar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li kienu applikabbli qabel fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 1992 (miżuri interim) marbuta ma’ proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE fil-Kawża IV/34.072 – Mars/Langnese u Schöller, ikkonfermati mis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1998, Langnese-Iglo vs Il-Kummissjoni, C-279/95 P, EU:C:1998:447, u fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 1991 (miżuri interim),marbuta ma’ proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE fil-Kawża IV/33.157 – Eco System/Peugeot.

(159)  Ara t-taqsima 3.1.

(160)  Ara wkoll il-paragrafu (282).

(161)  Kif stabbilit fil-paragrafu 84 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida, il-kunċett ta’ “konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat jiġbor fih l-utenti kollha diretti u indiretti tal-prodotti koperti mill-akkordju, inklużi l-produtturi li jużaw il-prodott bħala input, il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi finali, jiġifieri l-persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet li jaqgħu barra mis-sengħa jew mill-professjoni tagħhom.

(162)  Ara l-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(163)  Ara s-sentenza fil-Kawżi Magħquda 25/84 u 26/84 Ford vs Il-Kummissjoni, EU:C:1985:340, il-punti 24 u 25; Il-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3), il-paragrafu 44.

(164)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/242/KE (il-Kawża Nru IV/36.237 – TPS), (ĠU L 90, 2.4.1999, p. 6). B’mod simili, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tapplika biss dment li l-akkordju jkollu għan restrittiv jew effetti restrittivi; Il-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3), il-paragrafu 44.

(165)  Ara l-paragrafu 85 tal-Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida.

(166)  Ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie Maritime Belge, il-Kawżi Magħquda C-395/96 P u C-396/96 P, EU:C:2000:132, il-punt 130. Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma twaqqafx l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija, ta’ servizzi, ta’ persuni u ta’ kapital. F’ċerti ċirkostanzi, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għal akkordji, għal deċiżjonijiet u għal prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters u Oħrajn, C-309/99, EU:C:2002:98, il-punt 120.

(167)  Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-51/89, EU:T:1990:41. Ara wkoll il-paragrafu 106 tal-Linji Gwida tal-Artikolu 101(3).

(168)  Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-65/98, EU:T:2003:281, il-punti 104 u 156.

(169)  Ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(170)  Regoli oħrajn tal-UE jistgħu japplikaw ukoll għal investimenti bħal dawn fl-enerġija rinnovabbli, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 106(1) tat-Trattat, mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u mir-regoli dwar is-suq intern.

(171)  Ara wkoll il-paragrafu (343).

(172)  Ir-Rapport Finali dwar l-Inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku, it-taqsima 4.4.

(173)  Ara l-Kawża C-230/16 - Coty Germany, il-punti 64 sa 69.

(174)  Ara l-Kawża C-230/16 - Coty Germany, il-punti 24 sa 36.

(175)  Ara l-paragrafi (147) sa (150) ta’ dawn il-Linji Gwida; u l-Kawża C-230/16 – Coty Germany, il-paragrafi 43 sa 58.

(176)  Ara l-Kawża C-306/20 - Visma Enterprise, il-punt 78.

(177)  Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida, is-servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jirreferu għal servizzi li ma jipprovdux funzjonalità ta’ xiri dirett. Is-servizzi li jippermettu lill-utenti jikkonkludu tranżazzjonijiet ta’ xiri billi jipprovdu funzjonalità ta’ bejgħ u ta’ xiri huma kklassifikati bħala swieq online għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-swieq online huma ttrattati fit-taqsima 8.2.3.

(178)  Ir-Rapport Finali dwar l-Inkjesta Settorjali dwar il-Kummerċ Elettroniku, it-Taqsima B.4.5.

(179)  Miżati fissi li l-manifatturi jħallsu lill-bejjiegħa bl-imnut sabiex ikollhom aċċess għall-ispazju fuq l-ixkafef tagħhom.

(180)  Ħlasijiet f’somma waħda f’daqqa magħmula sabiex tiġi żgurata l-preżenza kontinwa ta’ prodott eżistenti fuq l-ixkaffa għal perjodu ulterjuri.

(181)  Jista’ jinħoloq ukoll akkordju fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat meta l-kaptan tal-kategorija joħroġ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti li jiġu implimentati sistematikament mid-distributur.

(182)  Ara l-ġurisprudenza tal-Qorti dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2017, ICAP vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-180/15, EU:T:2017:795, il-punt 57, l-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands u Oħrajn, il-Kawża C-8/08, EU:C:2009:343, il-punt 51, id-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-286/13 P, EU:C:2015:184, il-punt 127, il-21 ta’ Jannar 2016, Eturas UAB u Oħrajn, il-Kawża C-74/14 ECLI:EU:C:2016:42, il-punti 40-44; l-10 ta’ Novembru 2017, ICAP vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-180/15, EU:T:2017:795, il-punt 57.

(183)  Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C-333/94 P, EU:C:1996:436, il-punt 37. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7).

(184)  Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, EU:T:2007:289, il-punti 917, 921 u 922.

(185)  Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T-30/89, EU:T:1991:70, il-punt 67.


Il–Kunsill

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/86


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompetenza esklużiva fir-rigward tar-Regolament UE 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

(2022/C 248/02)

Kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/15 tagħha, il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi fil-proċeduri ta’ akkwist tal-Unjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni li għaliha, kif iddikjarat b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva. Għalhekk, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti tagħhom ma għandhom jadottaw jew iżommu l-ebda miżura leġiżlattiva jew miżura oħra ġeneralment applikabbli li tirregola l-aċċess minn operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi lil hinn minn dawk applikati skont dan ir-Regolament u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.


(1)  Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI) (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 1).


III Atti preparatorji

IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/87


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ April 2022

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ poteri superviżorji, sanzjonijiet, fergħat f’pajjiżi terzi, riskju ambjentali, soċjali u ta’ governanza.

(CON/2022/16)

(2022/C 248/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-17 u l-21 ta’ Jannar 2022, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward tas-setgħat superviżorji, is-sanzjonijiet, il-fergħat ta’ pajjiżi terzi, riskju ambjentali, soċjali u ta’ governanza (1) (minn hawn ’il quddiem “l-emendi proposti għas-CRD”).

L-emendi proposti għas-CRD huma marbuta mill-qrib ma’ proposta oħra li dwarha l-BĊE rċieva talba għal konsultazzjoni, jiġifieri proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta’ kreditu, ir-riskju tal-aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu, ir-riskju operazzjonali, ir-riskju tas-suq u l-limitu minimu tal-output (2) (flimkien mal-emendi proposti għas-CRD, il-“pakkett ta’ riforma bankarja tal-Kummissjoni”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li l-emendi proposti għas-CRD fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ il-pakkett ta’ riforma bankarja tal-Kummissjoni, li jimplimenta elementi importanti tal-aġenda globali ta’ riforma regolatorja fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan se jsaħħaħ il-Ġabra Unika tar-Regoli tal-UE u jsaħħaħ b’mod sostanzjali l-qafas regolatorju f’oqsma fejn l-awtoritajiet superviżorji identifikaw lakuni li potenzjalment jistgħu jwasslu għal riskji li ma jiġux immonitorjati u koperti biżżejjed.

L-ewwel nett, it-tisħiħ tal-mod kif ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) jiġu indirizzati billi jiġu imposti rekwiżiti aktar stretti u billi jitwessa’ s-sett ta’ għodda superviżorji f’dan il-qasam se jgħin biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jiżviluppaw b’mod proattiv oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju msaħħa, u b’hekk titnaqqas il-probabbiltà tal-akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi minn istituzzjonijiet individwali u s-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

It-tieni, l-implimentazzjoni fidila tal-limitu minimu tal-output se tnaqqas il-varjabbiltà mhux ġustifikata tal-piż tar-riskju (3) u huwa milqugħ li mhux se jkun hemm għadd doppju tar-riskji fir-rigward ta’ rekwiżiti oħra, filwaqt li l-kumplessitajiet operazzjonali għandhom jiġu evitati.

It-tielet, id-dispożizzjonijiet armonizzati għall-valutazzjoni tad-diretturi tal-banek u l-persunal ewlieni (valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità) se jiffaċilitaw l-effettività superviżorja u jtejbu l-governanza soda.

Ir-raba’, sett komuni ta’ regoli għall-fergħat ta’ gruppi bankarji ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-Istati Membri se jissostitwixxi approċċi nazzjonali eteroġeni u jsaħħaħ is-suq uniku.

Il-ħames, aktar armonizzazzjoni tas-setgħat nazzjonali relatati mal-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti, trasferimenti ta’ assi jew obbligazzjonijiet, fużjonijiet jew diviżjonijiet, kif ukoll ir-reġim tas-sanzjonar, se jiżguraw il-konsistenza u r-robustezza tal-qafas.

Is-sitt nett, il-BĊE jitlob konsistenza bejn id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn ’il quddiem “CRD”) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (5), dwar kwistjonijiet relatati mal-indipendenza superviżorja inġenerali u l-kunflitti ta’ interess b’mod partikolari. Biex jiġu limitati l-kunflitti ta’ interess possibbli, huwa importanti approċċ strett iżda proporzjonali u flessibbli, li jippermetti kunsiderazzjoni xierqa ta’ kull sitwazzjoni individwali.

Fl-aħħar nett, jekk is-superviżuri jitħallew jirtiraw l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu ġew iddikjarati li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu, iżda li ma jikkwalifikawx għal riżoluzzjoni minħabba li l-kriterju tal-interess pubbliku ma jkunx issodisfat, dan jiffaċilita l-ħruġ ordnat ta’ dawn il-banek mis-suq (6).

Din l-opinjoni tindirizza kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għall-BĊE, li ġew maqsuma fit-taqsimiet elenkati hawn taħt:

1.   Riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (riskji ESG)

1.1.   Appoġġ għall-emendi proposti

Il-BĊE jilqa’ bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħu r-rekwiżiti fir-rigward tar-riskji ESG għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-mandat rispettiv għall-awtoritajiet kompetenti. Il-BĊE jaqbel mal-fehma li r-riskji ESG jista’ jkollhom implikazzjonijiet estensivi għall-istabbiltà kemm tal-istituzzjonijiet individwali kif ukoll tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Il-Kummissjoni bir-raġun stabbiliet miri ambizzjużi għall-adattament tal-UE għall-impatti tar-riskji ESG u t-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomija sostenibbli, li jinvolvu bidliet speċifiċi fis-sistema produttiva tagħha fuq orriżont ta’ żmien limitat. L-istrateġija tenfasizza li, “is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jiddependi fuq il-kontribuzzjoni tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi kollha u fuq l-inċentivi tagħhom biex jintlaħqu l-miri tagħna. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jesprimu l-għanijiet ta” sostenibbiltà tal-UE fl-istrateġiji ta’ finanzjament fit-tul tagħhom u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet’ (7). It-tranżizzjoni u r-riskji assoċjati jaffettwaw kważi s-setturi kollha tal-ekonomija u għandhom impatti mifruxa madwar ir-reġjuni; barra minn hekk, dawn jiddependu fuq il-politiki ta’ dekarbonizzazzjoni, il-bidliet fil-preferenzi tal-konsumaturi u tal-investituri kif ukoll il-bidliet teknoloġiċi. Dawn l-impatti mifruxa jeħtieġu strateġiji mfassla apposta kif ukoll kapaċitajiet imtejba ta’ ġestjoni tar-riskju biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-mudelli ta’ negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq terminu qasir, medju u twil u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ riskju ta’ tranżizzjoni eċċessiv fil-portafolli tagħhom. Għalhekk huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimmonitorjaw ir-riskju li jirriżulta mill-allinjament ħażin tal-portafolli tagħhom mal-objettivi ta’ tranżizzjoni tal-UE, u b’hekk jistabbilixxu skedi ta’ żmien ambizzjużi u konkreti, inklużi miri intermedji, għall-fini tal-ippjanar strateġiku tagħhom.

Il-BĊE jappoġġa l-proposta li r-riskji ESG jiġu koperti b’mod aktar espliċitu fir-rekwiżiti superviżorji, li se jgħin biex jiġi minimizzat it-theddid li dawn ir-riskji joħolqu għall-istituzzjonijiet individwali u għall-istabbiltà finanzjarja. Il-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tar-riskju intern tal-banek u aktar skrutinju superviżorju fir-rigward ta’ dawn ir-riskji ġiet enfasizzata minn valutazzjoni superviżorja reċenti tal-BĊE. Dan l-eżerċizzju komprensiv żvela li l-ebda istituzzjoni ma hija qrib li tallinja bis-sħiħ il-prattiki tagħha mal-aspettattivi superviżorji dwar ir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali (C&E) u li l-istituzzjonijiet infushom iqisu li 90 % tal-prattiki rrapportati tagħhom huma biss parzjalment jew bl-ebda mod allinjati mal-aspettattivi superviżorji tal-BĊE (8).

Il-BĊE jirrikonoxxi l-prijoritizzazzjoni tar-riskji C&E fuq il-fatturi soċjali u ta’ governanza, anke fid-dawl tad-differenzi fil-metodoloġiji. Ir-riskji C&E jinkludu b’mod partikolari theddid li jirriżulta mit-tranżizzjoni meħtieġa lejn ekonomija aktar sostenibbli u l-adattament għat-theddid fiżiku li qed jiżdied. Ir-riskji ta’ tranżizzjoni u dawk fiżiċi huma speċjali meta mqabbla ma’ riskji prudenzjali oħra u hekk kif jikbru maż-żmien, huma meħtieġa ppjanar bir-reqqa u strateġiji ċari ta’ mitigazzjoni, filwaqt li tista’ tkun meħtieġa azzjoni deċiżiva u immedjata fuq terminu qasir biex jittaffew l-impatti fit-tul.

Il-BĊE jappoġġa r-rekwiżit propost għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiżviluppaw pjanijiet speċifiċi għall-monitoraġġ u l-indirizzar tar-riskji ESG li jirriżultaw fuq terminu qasir, medju u twil. Dan se jiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkejlu r-riskji ESG fuq orizzonti ta’ żmien itwal u jivvalutaw bir-reqqa l-bidliet strutturali li x’aktarx iseħħu fl-industriji li huma esposti għalihom, skont il-perkorsi ta’ tranżizzjoni ddeterminati mill-qafas legali tal-UE (9). Ir-rekwiżit li jiġu żviluppati pjanijiet bħal dawn se jżid it-trasparenza dwar ir-riskji li għalihom hija esposta s-sistema finanzjarja. Barra minn hekk, se tiżgura wkoll li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrevedu b’mod proattiv, anke fir-rigward tal-objettivi ta’ tranżizzjoni tal-UE, jekk l-istrateġiji tagħhom jinkorporawx biżżejjed kunsiderazzjonijiet relatati mal-ESG, u b’hekk itaffu r-riskji għar-reputazzjoni jew ir-riskji li jirriżultaw minn sentiment tas-suq li qed jinbidel b’mod rapidu wkoll.

Il-BĊE jinsab lest li jikkollabora mal-aġenziji tal-UE biex jimmonitorja l-progress tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-iżvilupp tal-pjanijiet speċifiċi tagħhom (l-Artikolu 76(2) il-ġdid) u jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni f’waqtha f’dan il-qasam. Il-BĊE jara l-ħtieġa li tingħata prijorità lir-reżiljenza u l-adattament tal-istituzzjonijiet għall-impatti negattivi fit-tul tar-riskji ESG. Il-linji gwida proposti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar il-kontenut tal-pjanijiet tal-istituzzjonijiet (l-Artikolu 87a(5)(b) il-ġdid) se jkunu partikolarment importanti f’dan ir-rigward, u l-BĊE għalhekk iqis li dawn il-linji gwida għandhom jiġu ppubblikati fi żmien 12-il xahar. Min-naħa l-oħra, skadenza ta’ 24 xhur tidher aktar xierqa għal-linji gwida proposti dwar l-istandards minimi u l-metodoloġiji ta’ referenza (l-Artikolu 87a(5)(a) il-ġdid).

Ġestjoni tar-riskju interna xierqa, inkluż ippjanar speċifiku, se tiffaċilita wkoll il-valutazzjoni minn awtoritajiet kompetenti u makroprudenzjali tar-riskji ESG. Fil-kuntest tal-artikolazzjoni ulterjuri tar-rekwiżit li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimmaniġġjaw ir-riskji materjali kollha, billi jittestjaw r-reżiljenza tagħhom għall-impatti negattivi fit-tul tar-riskji C&E, il-BĊE jilqa’ t-tisħiħ tas-setgħat superviżorji relatati b’mod li huwa konsistenti mal-orizzont ta’ żmien għall-materjalizzazzjoni tar-riskji ESG. Dan se jippermetti lill-BĊE jindirizza b’mod aktar effettiv ir-riskji ESG, li jibda bir-riskji relatati mal-klima u dawk ambjentali, li jaffettwaw is-sitwazzjoni prudenzjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu (eż. il-kapital u l-likwidità) anke fuq terminu medju sa twil (jiġifieri 5–10 snin). Tali rekwiżiti se jgħinu wkoll lill-awtoritajiet makroprudenzjali biex itaffu r-riperkussjonijiet fuq is-sistema kollha tar-riskji ESG, b’mod partikolari billi janalizzaw l-aspetti sistemiċi tagħhom, eż. permezz ta’ ttestjar tal-istress klimatiku mifrux mal-ekonomija kollha. Dan kollu għandu jipprovdi lill-BĊE b’għodod aktar adegwati biex jgħin jevita, flimkien mal-awtoritajiet rilevanti l-oħra, l-akkumulazzjoni ta’ assi mhux rekuperabbli fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jiżgura l-komplementarjetà bejn l-approċċi mikroprudenzjali u makroprudenzjali.

Fir-rigward tas-sett ta’ għodod makroprudenzjali, il-BĊE jilqa’ wkoll il-kjarifika fi premessa tal-emendi proposti għas-CRD li l-qafas tar-riżerva għal riskju sistemiku (SyRB) jista’ diġà jintuża biex jindirizza diversi tipi ta’ riskji sistemiċi, inklużi riskji relatati mat-tibdil fil-klima. Sal-punt li r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima għandhom il-potenzjal li jkollhom konsegwenzi negattivi serji għas-sistema finanzjarja u għall-ekonomija reali fl-Istati Membri, tista’ tiġi introdotta rata SyRB biex ittaffi dawk ir-riskji.

1.2.   Reżiljenza għall-impatti negattivi fit-tul tar-riskji ESG

Fir-rigward tax-xenarji u l-metodi biex tiġi vvalutata r-reżiljenza għal impatti negattivi fit-tul tar-riskji ESG, b’mod partikolari t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, il-BĊE jixtieq jenfasizza l-fatt li l-isfidi li dawn jippreżentaw għas-settur finanzjarju jistgħu jiġu vvalutati u indirizzati biss billi l-analiżi xjentifika tiġi integrata fit-tfassil tal-politika. Il-kontribut tar-riċerka xjentifika, l-entitajiet tas-settur finanzjarju u l-aġenziji ambjentali se jkun strumentali f’dan ir-rigward. Il-BĊE jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha, inklużi s-superviżuri u li tali kooperazzjoni hija maħsuba “biex tgħin fid-definizzjoni ta’ miri intermedji għas-settur finanzjarju” (10). Madankollu, ikun utli li jitfakkar, fil-premessi tal-emendi proposti għas-CRD, l-impenn li sar fil-punt ta’ Azzjoni 5.c tal-Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli (COM (2021) 390 final). B’mod speċifiku, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni impenjat ruħha li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-BĊE, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u li tali kooperazzjoni hija maħsuba biex tgħin tiddefinixxi miri intermedji għas-settur finanzjarju, tifhem aħjar jekk il-progress kontinwu u prospettiv huwiex biżżejjed, u b’hekk tiffaċilita t-teħid ta’ azzjoni ta’ politika aktar kollaborattiva mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha fejn meħtieġ. Il-BĊE kieku jilqa’ referenza għal tali impenn anke fil-kuntest tal-mandat stabbilit fl-Artikolu 87a(5)(c) il-ġdid tas-CRD.

2.   Il-limitu minimu tal-output

Il-BĊE jilqa’ l-introduzzjoni tal-limitu minimu tal-output, li huwa element importanti tar-riformi ta’ Basel III (11). Il-BĊE jinnota li l-emendi proposti għas-CRD jinkludu xi mekkaniżmi li jirregolaw l-interazzjoni bejn il-limitu minimu tal-output u l-issettjar ta’ (i) rekwiżiti superviżorji tal-Pilastru 2 u (ii) riżervi makroprudenzjali.

Il-BĊE jaqbel mal-objettiv ġenerali li jiġi evitat l-għadd doppju tar-riskji fi ħdan l-oqfsa mikroprudenzjali u makroprudenzjali u bl-intenzjoni li jiġi żgurat li r-rekwiżiti rispettivi jibqgħu xierqa. Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2, il-BĊE jixtieq jenfasizza l-fatt li diġà hemm rekwiżit ġenerali biex jiġi evitat kwalunkwe għadd doppju tar-riskji u, għalhekk, jinsab lest li jiżgura li ma jseħħ l-ebda għadd doppju tar-riskji fi ħdan il-mandat tiegħu. Fir-rigward tar-riżervi makroprudenzjali, kif użati bħalissa, dawn jindirizzaw riskji makroprudenzjali li huma differenti mill-mira tal-limitu minimu tal-output li jitnaqqsu r-riskji ta’ varjabbiltà eċċessiva jew in-nuqqas ta’ komparabbiltà tal-piżijiet tar-riskju mill-użu ta’ mudelli interni mill-istituzzjoni.

Barra minn hekk, il-proposta tirrikjedi li l-ammont nominali tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2 ma jiżdiedx immedjatament bħala riżultat li istituzzjoni tintrabat bil-limitu minimu tal-output. Il-BĊE jaqbel mal-objettiv sottostanti u l-ispirtu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jiġu newtralizzati l-effetti aritmetiċi mhux ġustifikati fuq ir-rekwiżiti tal-Pilastru 2 li jirriżultaw mill-introduzzjoni tal-livell minimu tal-output u jinsab lest li jieħu l-passi meħtieġa biex jinnewtralizza dan l-impatt.

Huwa importanti li l-mekkaniżmi proposti jirrispettaw il-prattiki superviżorji u makroprudenzjali eżistenti u jevitaw kumplessitajiet operazzjonali u piżijiet amministrattivi għall-awtoritajiet kompetenti u makroprudenzjali. B’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Pilastru 2, kif diġà ssemma, il-BĊE jqis li l-awtoritajiet kompetenti diġà għandhom mandat, fil-qafas regolatorju attwali, biex jevitaw l-għadd doppju tar-riskji u l-bidliet mhux ġustifikati fir-rekwiżiti prudenzjali, u li l-linji gwida maħruġa mill-ABE skont l-Artikolu 107(3) tas-CRD jipprovdu bażi legali soda għall-istabbiliment ta’ metodoloġija komuni biex dan jinkiseb. Għalhekk, filwaqt li l-BĊE ma jarax il-ħtieġa li fil-leġiżlazzjoni tal-Livell 1 jiġi inkorporat b’mod permanenti kif għandu jitqies il-limitu minimu tal-output meta jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-Pilastru 2, jieħu nota tal-proposta leġiżlattiva speċifika dwar din il-kwistjoni u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-dispożizzjoni proposta — inkluż l-iffriżar temporanju — ma tinterferixxix b’mod permanenti kemm mal-approċċ attwali tal-Pilastru 2 kif ukoll mal-frekwenza tiegħu. Il-BĊE huwa tal-fehma li n-newtralizzazzjoni istantanja għandha sseħħ fil-mument meta l-bank jintrabat bil-limitu minimu. Fis-snin sussegwenti kwalunkwe aġġustament meħtieġ isir fil-kuntest tar-rieżami superviżorju regolari u l-proċess ta’ evalwazzjoni.

Il-leġiżlaturi tal-UE jistgħu jixtiequ jipprovdu lill-ABE b’mandat speċifiku biex tiżviluppa linji gwida dwar kif l-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrattaw l-impatt tal-limitu minimu tal-output meta jiġu ssettjati r-rekwiżiti tal-Pilastru 2, kif definit fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (l-Artikolu 465(1)). Jekk il-leġiżlaturi tal-UE jixtiequ jinkludu referenza leġiżlattiva għal din il-kwistjoni, il-BĊE pprovda wkoll suġġerimenti fid-dokument ta’ ħidma tekniku dwar kif l-abbozz leġiżlattiv jista’ jiġi emendat biex jirrispetta kemm l-approċċ attwali tal-Pilastru 2 kif ukoll il-frekwenza tiegħu, filwaqt li jirregola wkoll b’mod espliċitu l-interazzjoni bejn il-livell minimu ta’ output u r-rekwiżiti tal-Pilastru 2 fit-test tal-Livell 1.

Fir-rigward tas-SyRB, il-BĊE għandu tħassib qawwi fir-rigward tar-rekwiżit propost għal rieżami obbligatorju tal-kalibrazzjoni tiegħu, li jinkludi limitu massimu dinamiku fuq il-bafer, li jiffriżah fil-livelli ta’ qabel tal-limitu minimu tal-output sakemm tali rieżami jiġi konkluż u r-riżultat jiġi ppubblikat.

Hemm tliet raġunijiet għal dan it-tħassib.

L-ewwel nett, ir-rieżami obbligatorju propost iżid il-kumplessità tal-qafas u l-piż amministrattiv, peress li jimplika li l-awtoritajiet ikollhom jirrevedu l-kalibrazzjoni tas-SyRB għal kull istituzzjoni ta’ kreditu li tintrabat bil-limitu minimu tal-output individwalment. It-tieni, limitu temporanju u rieżami speċifiku għall-istituzzjoni tas-SyRB imorru kontra n-natura makroprudenzjali tal-bafer u l-applikazzjoni (sotto)settorjali tiegħu. Dan jistabbilixxi trattament speċifiku mhux ġustifikat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu individwali li hija affettwata minn SyRB u li tintrabat bil-limitu minimu tal-output. It-tielet, is-CRD diġà tinkludi dispożizzjonijiet adegwati għar-rieżami regolari tal-bafers kapitali, li huma biżżejjed biex jiżguraw kwalunkwe bidla meħtieġa fir-rati implimentati.

Il-BĊE għandu tħassib simili rigward ir-rekwiżit propost li tiġi rieżaminata l-kalibrazzjoni tal-bafer tal-istituzzjonijiet sistemikament importanti l-oħra (O-SII) meta l-limitu minimu tal-output isir vinkolanti. B’mod simili għar-rieżami tas-SyRB, dan l-obbligu ta’ rieżami tal-bafer O-SII iżid il-kumplessità tal-qafas u l-piż amministrattiv. Barra minn hekk, ir-rieżamijiet regolari tal-bafer tal-O-SII diġà huma previsti fis-CRD.

Minflok il-mekkaniżmu ta’ rieżami propost tas-SyRB meta l-limitu minimu tal-output isir vinkolanti għal istituzzjoni ta’ kreditu, il-BĊE jipproponi li tiddaħħal kjarifika espliċita li tispeċifika li s-SyRB ma tistax tintuża biex tindirizza r-riskju li jinqabad mil-limitu minimu tal-output, irrispettivament minn jekk il-limitu minimu tal-output jsirx vinkolanti għal istituzzjoni speċifika jew le. Din il-kjarifika għandha preferibbilment tiddaħħal bħala premessa iżda tista’ tiddaħħal ukoll f’artikolu tas-CRD. Dan għandu jindirizza kwalunkwe tħassib potenzjali li r-riskji jistgħu jingħaddu darbtejn taħt il-limitu minimu tal-output u s-SyRB. L-istess raġunament u kjarifika jistgħu jiġu implimentati wkoll fir-rigward tar-riżerva ta’ O-SII.

3.   Kompetenza u idoneità

3.1.   Appoġġ għall-emendi proposti

Il-BĊE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-qafas ta’ kompetenza u idoneità. Is-superviżjoni tal-idoneità u l-adegwatezza tal-membri tal-bord maniġerjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija għodda superviżorja ewlenija li hija essenzjali biex tittejjeb il-governanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Governanza tajba fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu żżid ir-reżiljenza tagħhom għal żviluppi negattivi tas-suq u hija prerekwiżit ewlieni għall-istabbiltà finanzjarja. Fi ħdan l-attivitajiet superviżorji tiegħu, il-BĊE għad għandu bżonn konsiderevoli li jimla l-lakuni u jgħolli l-livell tal-kwalità tal-oqfsa ta’ governanza (12), u għalhekk jilqa’ bis-sħiħ it-tisħiħ tas-sett ta’ għodod superviżorji kif propost mill-Kummissjoni. Il-qafas ta’ kompetenza u idoneità attwali jispikka bħala wieħed mill-oqsma l-inqas armonizzati tal-liġi superviżorja minħabba d-diverġenza tal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw is-CRD. Dawn id-differenzi jxekklu l-effiċjenza tas-superviżjoni tal-kompetenza u idoneità tal-BĊE u fixklu l-kundizzjonijiet ekwi fl-UE. Il-proposti tal-Kummissjoni jikkostitwixxu pass kbir ’il quddiem, peress li jiżguraw superviżjoni aktar konsistenti, effiċjenti u effettiva tal-membri tal-bord u tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin, b’enfasi fuq il-kwistjonijiet aktar importanti għas-superviżjoni prudenzjali. Dan huwa l-każ speċjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal (i) l-istabbiliment ta’ skadenzi u proċessi ċari għall-Istati Membri kollha; (ii) il-ħtieġa li jseħħu fatti ġodda sabiex jiġi vvalutat it-tiġdid tal-mandati; (iii) valutazzjonijiet ex ante obbligatorji għall-istituzzjonijiet bl-akbar impatt; (iv) il-valutazzjoni tad-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin; (v) it-tneħħija tar-rinunzja tal-President-CEO mill-Artikolu 88 tas-CRD; u (vi) ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni ta’ kreditu biex tiżgura l-adegwatezza tal-membri tal-bord tagħha.

Il-BĊE jqis li livell adegwat ta’ proporzjonalità għandu jiġi inkorporat fil-qafas il-ġdid, li jibbenefika wkoll minn approċċ saħansitra aktar proporzjonat għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità mill-awtoritajiet kompetenti. Filwaqt li l-qafas propost b’mod ġenerali diġà jieħu approċċ debitament proporzjonat għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità (inkluż billi jillimita l-valutazzjonijiet ex ante għal istituzzjonijiet kbar), il-BĊE huwa miftuħ biex jesplora u jiddiskuti aktar modi biex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ proporzjonalità tal-qafas il-ġdid. B’mod partikolari, il-proporzjonalità tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiffukaw ir-riżorsi tagħhom fuq l-aktar valutazzjonijiet importanti.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jinnota li l-valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità ex ante previsti fl-emendi proposti għas-CRD ma jaffettwawx id-drittijiet statutorji ta’ ċerti korpi li jaħtru rappreżentanti fil-bordijiet tal-entitajiet taħt superviżjoni skont il-liġi nazzjonali.

Minkejja l-appoġġ b’saħħtu ġenerali għall-bidliet proposti, il-BĊE jipprovdi, kemm hawn taħt kif ukoll fid-dokument ta’ ħidma tekniku, għadd ta’ kummenti dwar aspetti speċifiċi.

3.2.   Kjarifika li l-valutazzjonijiet ex ante ta’ kompetenza u idoneità proposti huma biss ta’ natura proċedurali: Premessa 38 tal-emendi proposti għas-CRD

Il-Premessa 38 tenfasizza l-importanza tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali ta’ istituzzjonijiet kbar qabel ma dawk il-membri jidħlu fil-kariga tagħhom. Filwaqt li l-BĊE jappoġġa bis-sħiħ il-valutazzjoni ex ante proporzjonata prevista, jista’ jiġi ċċarat aktar li d-dispożizzjonijiet proposti dwar il-valutazzjoni ex ante ta’ kompetenza u idoneità huma fil-biċċa l-kbira proċedurali u ma jaffettwawx id-drittijiet statutorji nazzjonali ta’ ċerti korpi jew entitajiet ġuridiċi biex jaħtru rappreżentanti għall-korpi maniġerjali tal-entitajiet taħt superviżjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Għalhekk, il-BĊE jipproponi l-introduzzjoni ta’ kjarifika addizzjonali għall-Premessa 38, li għandha l-għan li tassigura lill-Istati Membri li kwalunkwe dritt statutorju bbażat fil-liġi nazzjonali applikabbli ma għandux jiġi affettwat mill-emendi proposti għas-CRD. Madankollu, jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata l-adegwatezza ta’ dawn ir-rappreżentanti, bħal superviżjoni effettiva tal-adegwatezza tal-korp maniġerjali kollu kemm hu (adegwatezza kollettiva) u miżuri ta’ segwitu biex jiġu indirizzati kunflitti ta’ interess potenzjali u kwistjonijiet relatati mal-impenn tal-ħin u l-esperjenza fejn meħtieġ.

3.3.   Introduzzjoni ta’ terminu ta’ jumejn għall-konferma ta’ riċevuta: l-Artikoli ġodda 91b(3) u 91d(3) tas-CRD

It-terminu ssuġġerit ta’ jumejn biss għall-konferma tar-riċevuta bil-miktub fil-prattika tkun estremament diffiċli biex tintlaħaq mill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti minħabba l-influss għoli ħafna ta’ applikazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità u d-dokumentazzjoni estensiva li jeħtieġ li tiġi vverifikata. B’mod speċifiku, fil-ħafna każijiet fejn l-applikazzjoni tikkonċerna diversi persuni maħtura, dan it-terminu jista’ ma jkunx jista’ jinkiseb għas-superviżuri. B’mod ġenerali, din id-dispożizzjoni tista’ tipperikola li jintlaħaq it-terminu mogħti għal proċeduri ta’ kompetenza u idoneità.

Il-BĊE għalhekk iħeġġeġ it-tħassir tat-terminu ta’ jumejn.

3.4.   Mandat biex jiġu żviluppati standards tekniċi ta’ implimentazzjoni (ITS) dwar formoli, mudelli u proċeduri standard għall-għoti ta’ informazzjoni: l-Artikoli ġodda 91b(10) u 91d (8) tas-CRD

Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). F’dan ir-rigward, sar progress fi ħdan l-MSU fir-rigward tal-użu konsistenti ta’ formoli u soluzzjonijiet tal-IT għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità. Il-BĊE għalhekk jenfasizza li l-ITS għandhom ikunu konsistenti ma’ dan l-isforz ta’ armonizzazzjoni u jistgħu possibbilment jingranaw l-infrastruttura diġà żviluppata.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-BĊE jipproponi li jiddaħħal, fid-dispożizzjonijiet jew il-premessi rilevanti, ta’ referenza li tinkoraġġixxi lill-ABE tibni fuq l-aħjar prattiki u għodod eżistenti meta tiżviluppa l-ITS.

3.5.   Konsegwenzi proċedurali meta l-entitajiet taħt superviżjoni ma jikkonformawx mal-obbligi u l-iskadenzi: l-Artikoli ġodda 91b(7) u 91d (6) tas-CRD

Is-setgħat superviżorji disponibbli għas-superviżuri f’każijiet fejn l-entitajiet ma jweġbux għal talbiet għal informazzjoni addizzjonali sal-iskadenza mogħtija ma jinkludux is-setgħa għall-awtoritajiet kompetenti li jiddikjaraw l-applikazzjoni mhux kompluta li teħtieġ, bħala konsegwenza, is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ġdida. Il-BĊE għalhekk jitlob l-introduzzjoni ta’ bażi legali addizzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw applikazzjoni mhux kompluta, bil-ħtieġa konsegwenti tas-sottomissjoni mill-ġdid tagħha. Dan jiżgura li jkun hemm konsegwenza proċedurali għall-ksur tal-iskadenzi għall-għoti ta’ dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-entità tippreżenta applikazzjoni ġdida u b’hekk tibda proċedura ġdida.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-BĊE jipproponi li jżid tali konsegwenza proċedurali addizzjonali fl-Artikoli l-ġodda 91b(4) u 91d(4) tas-CRD.

3.6.   Possibbiltà li jiġi estiż il-perjodu ta’ valutazzjoni fejn tintalab informazzjoni minn partijiet oħra

L-Artikoli l-ġodda 91b(4) u 91d(4) tas-CRD jippermettu l-estensjoni tal-perjodu ta’ valutazzjoni meta l-awtoritajiet kompetenti jitolbu dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali mingħand entitajiet, iżda mhux meta d-dokumentazzjoni jew l-informazzjoni tintalab minn partijiet oħra, eż. awtoritajiet ġudizzjarji u/jew awtoritajiet superviżorji oħra. Din tal-aħħar hija okkorrenza komuni ħafna li ta’ spiss tieħu aktar ħin.

Il-BĊE għalhekk jipproponi li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu emendati biex ikopru wkoll sitwazzjonijiet li fihom tkun meħtieġa dokumentazzjoni jew informazzjoni minn entitajiet/awtoritajiet oħra.

3.7.   Possibbiltà għall-entitajiet li jwettqu l-valutazzjoni tal-adegwatezza (interna) tal-membri tal-bord wara li jkunu ħadu l-karigi tagħhom: l-Artikolu 91a(2) ġdid tas-CRD

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 91a(2) ġdid tas-CRD jippermetti l-ħatra ta’ membri tal-korp maniġerjali, f’kuntesti urġenti, mingħajr ebda tip ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza. Il-BĊE huwa mħasseb li din il-possibbiltà tista’ twassal għall-ħatra ta’ kandidati mhux xierqa, anki minħabba l-ambigwità li fuqha hija bbażata l-interpretazzjoni tat-termini “strettament neċessarju” u “immedjatament” użati f’dak il-kuntest.

Għalhekk, il-BĊE jipproponi li l-entitajiet għandhom ikunu meħtieġa jwettqu valutazzjoni tal-adegwatezza qabel ma l-membri tal-korp maniġerjali jieħdu l-karigi tagħhom anki fl-aktar każijiet eċċezzjonali. Madankollu, f’xenarju bħal dan tista’ tkun iġġustifikata valutazzjoni eħfef, taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu speċifikati fil-linji gwida żviluppati mill-EBA. Dawn il-linji gwida jagħtu wkoll gwida dwar każijiet li jistgħu jitqiesu urġenti, jiġifieri meta jkun strettament meħtieġ li l-membri tal-bord jiġu sostitwiti immedjatament.

4.   Rekwiżiti ta’ fergħat ta’ pajjiżi terzi (TCBs)

L-armonizzazzjoni tal-qafas TCB hija importanti biex tiġi stabbilita perspettiva komprensiva dwar l-attivitajiet ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi fl-UE, biex jiġu allinjati l-prattiki fi ħdan l-UE u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-gruppi ta’ pajjiżi terzi fl-UE u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu Ewropej billi jiġu evitati possibbiltajiet għal arbitraġġ regolatorju, filwaqt li fl-istess ħin ma jiġix impedit l-aċċess ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi għas-suq finanzjarju tal-UE permezz tal-istabbiliment ta’ fergħat. Il-BĊE jqis li huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jiġu pprovduti b’għodod superviżorji effettivi. L-armonizzazzjoni tal-qafas TCB hija wkoll opportunità biex ir-rekwiżiti tal-UE jiġu allinjati ma’ standards komparabbli f’ġurisdizzjonijiet ewlenin oħra u biex jinżamm il-ftuħ globali tas-Suq Uniku.

F’dan l-isfond, il-BĊE jilqa’ l-istandards minimi armonizzati għall-awtorizzazzjoni u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ fergħat, kif ukoll fil-qasam tal-governanza interna u l-kontrolli tar-riskju u ż-żieda fir-rekwiżiti ta’ rapportar armonizzati. Il-BĊE jilqa’ wkoll is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jirrikjedu li t-TCBs jistabbilixxu sussidjarja f’każijiet ta’ importanza sistemika, li m’għandhomx ikunu soġġetti għal attivazzjoni awtomatika iżda pjuttost għal mekkaniżmu ta’ valutazzjoni superviżorja b’eżitu miftuħ, ladarba jintlaħqu ċerti limiti. Barra minn hekk, il-qafas il-ġdid se jippermetti superviżjoni komprensiva permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn is-superviżuri, pereżempju bl-inklużjoni ta’ TCBs tal-Klassi 1 fil-kulleġġi tas-superviżuri. F’dan ir-rigward il-BĊE japprezza wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura involviment adegwat tas-superviżuri ta’ entitajiet oħra tal-grupp (jiġifieri sussidjarji) fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-istruttura tal-operazzjonijiet ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi fl-UE.

Barra minn hekk, il-BĊE jappoġġa l-kjarifika li TCBs jistgħu jwettqu biss l-attivitajiet li għalihom ikunu ġew awtorizzati u biss fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ipprovda tali awtorizzazzjoni, u li t-twettiq ta’ tali attivitajiet fuq bażi transkonfinali ġewwa t-territorji tal-Unjoni huwa espressament ipprojbit.

Minbarra l-appoġġ qawwi tiegħu għall-proposta, il-BĊE jipproponi emendi fl-oqsma li ġejjin.

Sabiex jiġi żgurat li jinqabad id-daqs attwali tal-attivitajiet ta’ fergħa, u b’hekk jgħin biex jiġi evitat li gruppi ta’ pajjiżi terzi jużaw prattiki speċifiċi ta’ prenotazzjoni biex jibqgħu taħt il-limiti, huwa importanti li mhux biss l-assi li jiġu rreġistrati fil-fergħa jiġu kkunsidrati, iżda wkoll l-assi li joriġinaw mill-fergħa iżda li jiġu rreġistrati mill-bogħod f’post ieħor, sal-punt li din il-prattika titqies fattibbli skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida. Filwaqt li l-emendi proposti għas-CRD jinkludu mandat għall-ABE biex tiżviluppa standards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti ta’ reġistrazzjoni, il-BĊE jqis li jkun aktar effettiv li fis-CRD innifisha tiġi inkluża wkoll kjarifika diretta dwar kif jiġu kkalkulati l-assi ta’ fergħa għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-limiti (eż. għall-klassifikazzjoni tal-fergħat bħala Klassi 1 u għall-valutazzjoni tal-importanza sistemika).

Barra minn hekk, il-BĊE jipproponi li l-informazzjoni aggregata dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet miżmuma jew irreġistrati minn sussidjarji ta’ grupp ta’ pajjiż terz u fergħat ta’ pajjiż terz fl-Unjoni, li l-fergħat ta’ pajjiż terz huma meħtieġa jirrapportaw lill-awtorità kompetenti tagħhom, għandha tkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet kompetenti li huma responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta’ dak il-grupp ta’ pajjiż terz. Din il-proposta se tippermetti ħarsa ġenerali komprensiva u analiżi tal-impronta Ewropea ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi. Għal dan il-għan, il-BĊE jipproponi wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit ta’ rapportar relatat mas-servizzi pprovduti mill-impriża prinċipali jissaħħaħ biex ikopri wkoll il-forniment dirett ta’ servizzi ta’ investiment transkonfinali mill-grupp ta’ pajjiż terz u s-servizzi ta’ investiment li huma pprovduti mill-grupp ta’ pajjiż terz abbażi ta’ solleċitazzjoni inversa.

5.   Forniment dirett ta’ servizzi bankarji fl-UE minn impriżi ta’ pajjiżi terzi

5.1   Rekwiżit li tiġi stabbilita fergħa għall-forniment ta’ servizzi bankarji minn impriżi ta’ pajjiżi terzi: Artikolu 21c ġdid tas-CRD

Il-BĊE jilqa’ l-kjarifika inkluża fl-Artikolu 21c il-ġdid tas-CRD li, sabiex jipprovdu servizzi bankarji fl-Unjoni, l-impriżi ta’ pajjiżi terzi jridu jew jistabbilixxu fergħa jew joħolqu sussidjarja fi kwalunkwe territorju tal-Unjoni, sabiex jiġu evitati attivitajiet mhux regolati u mhux taħt superviżjoni li joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE.

Madankollu, il-BĊE jqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi bankarji ewlenin inklużi fl-Artikolu 21c il-ġdid tas-CRD mhuwiex ċar. Għalhekk, il-BĊE jistieden lill-korpi leġiżlattivi tal-Unjoni biex jiċċaraw il-formulazzjoni tal-Artikolu 21c il-ġdid tas-CRD u b’mod partikolari biex jipprovdu lista ċara ta’ servizzi bankarji ewlenin inklużi f’dan l-artikolu, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-rekwiżiti eżistenti f’liġijiet oħra tal-UE li jirregolaw servizzi partikolari, bħas-servizzi ta’ pagament u flus elettroniċi, kif ukoll l-impatt tal-artikolu l-ġdid dwar il-likwidità tas-swieq finanzjarji globali.

6.   Setgħat superviżorji

Il-BĊE jilqa’ l-emendi proposti għas-CRD fir-rigward tas-setgħat superviżorji peress li jarmonizzaw aktar tliet tipi ta’ setgħat, billi jirrikjedu li l-awtorità kompetenti tivvaluta (i) akkwisti ta’ holdings f’entitajiet tas-settur finanzjarju u mhux finanzjarju; (ii) trasferimenti materjali ta’ assi u (iii) fużjonijiet/diviżjonijiet. Id-diverġenza attwali fis-setgħat nazzjonali f’dawn it-tliet aspetti u l-fatt li l-BĊE attwalment jeżerċita tali setgħat biss meta jkunu disponibbli skont il-liġi nazzjonali jwassal għal kundizzjonijiet mhux ekwi u jagħmel l-azzjonijiet superviżorji tal-BĊE fi ħdan l-MSU inqas effiċjenti. Sett komuni ta’ regoli dwar is-setgħat prudenzjali ewlenin se jrawwem simultanjament l-armonizzazzjoni fis-suq intern u jżid il-kwalità u l-effikaċja ġenerali tas-superviżjoni. Hija meħtieġa aktar koordinazzjoni bejn dawn is-setgħat superviżorji ġodda u s-setgħat diġà previsti fis-CRD. Għal dan il-għan, il-BĊE jipprovdi xi rakkomandazzjonijiet ta’ abbozzar fid-dokument ta’ ħidma tekniku.

Il-BĊE jilqa’, b’mod partikolari, il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu allinjati s-setgħat previsti fit-Titolu III, il-Kapitoli 3, 4 u 5, tas-CRD dwar l-akkwisti ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu u l-akkwisti ta’ parteċipazzjoni materjali minn istituzzjoni. Madankollu, dan l-allinjament ma għandux jipprevedi biss l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, iżda jipprevedi wkoll il-proċess u ż-żmien tal-proċeduri rilevanti li jseħħu simultanjament għall-istess operazzjoni.

Minbarra dan l-allinjament proċedurali, għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-kunċett ta’ “parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti”, li għandu jkun iffokat fuq l-impatt ta’ akkwist fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu fil-mira, u “akkwist materjali”, li għandu jkun iffokat fuq l-impatt ta’ akkwist fuq l-akkwirent.

Barra minn hekk, f’konformità mal-pożizzjoni preċedenti mistqarra tiegħu (13), il-BĊE jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta’ setgħat superviżorji addizzjonali fuq (i) l-emenda tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, (ii) it-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati, u (iii) l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni materjali. L-armonizzazzjoni ta’ dawn is-setgħat tibqa’ meħtieġa u tgħin biex isir progress ulterjuri lejn ġabra unika ta’ regoli ġenwina u titnaqqas il-frammentazzjoni regolatorja madwar l-MSU.

7.   Sanzjonijiet amministrattivi:

L-emendi proposti għas-CRD jirriflettu l-pożizzjoni tal-BĊE dwar il-kwistjoni (14). L-isforzi kollha biex ikomplu jiġu armonizzati u msaħħa s-setgħat ta’ sanzjonar u ta’ infurzar fil-livell tal-Unjoni huma milqugħa, u dan se jrawwem l-infurzar effettiv tar-rekwiżiti prudenzjali fl-Unjoni. B’mod partikolari, ta’ min jinnota li s-setgħat ta’ infurzar tal-awtoritajiet kompetenti huma msaħħa bl-introduzzjoni tal-possibbiltà li jiġu imposti pagamenti perjodiċi ta’ penali bħala miżura ta’ infurzar ġdida mmirata lejn ir-restawr tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali u li tali miżura hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà sussegwenti li tiġi sanzjonata l-okkorrenza tal-ksur. Għalhekk huwa kruċjali li d-distinzjoni bejn din il-miżura ta’ infurzar ġdida, il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra skont is-CRD tiġi riflessa wkoll fit-traspożizzjoni tal-Istati Membri fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li l-lista ta’ ksur suġġett għal penali amministrattivi hija estiża u li d-definizzjoni ta’ “fatturat annwali totali” hija ċċarata.

8.   Valutazzjoni komparattiva superviżorja

Il-BĊE jilqa’ l-emendi proposti għall-Artikolu 78 tas-CRD u, b’mod partikolari, il-fatt li dawn l-emendi jespandu l-ambitu tal-valutazzjoni komparattiva superviżorja għal mudelli użati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jiġi kkalkulat it-telf ta’ kreditu mistenni skont l-IFRS9. Dan huwa importanti ħafna biex tiġi żgurata r-robustezza tal-mudelli li jintużaw, inter alia, mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma għandhomx mudelli interni approvati għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tagħhom għar-riskju tal-kreditu. Iż-żieda tal-approċċ standardizzat alternattiv għar-riskju tas-suq mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni komparattiva superviżorja hija milqugħa wkoll bħala komplement għall-informazzjoni mill-approċċ tal-mudell intern u bħala pass addizzjonali lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas tar-riskju tas-suq ta’ Basel fl-UE.

Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’ l-proposta li l-ABE tingħata l-flessibbiltà biex twettaq l-eżerċizzji ta’ valutazzjoni komparattiva fuq bażi biennali. Il-BĊE jirrakkomanda li tingħata saħansitra aktar flessibbiltà lill-ABE biex tistabbilixxi l-frekwenza ta’ dawn l-eżerċizzji. Il-BĊE jipproponi wkoll li l-eżerċizzji jkunu definiti b’mod aktar ċar.

Fl-aħħar nett, il-BĊE jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet m’għandhomx ikunu meħtieġa jissottomettu r-riżultati tal-kalkoli tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti kull sena, jiġifieri anki fi snin meta l-ABE ma twettaqx l-eżerċizzju. Minflok, il-BĊE jipproponi li l-frekwenzi għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni jiġu allinjati, u b’hekk jitnaqqas il-piż tar-rappurtar għall-istituzzjonijiet.

9.   Divulgazzjoni

Il-BĊE jilqa’ l-objettiv taċ-ċentru integrat il-ġdid ġestit mill-ABE għad-divulgazzjonijiet tal-Pilastru III mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li għandu l-għan li jnaqqas il-piż għall-banek u li jiffaċilita l-użu tal-informazzjoni tal-Pilastru III mill-partijiet ikkonċernati kollha. Is-superviżuri jistgħu jibbenefikaw minn ċentru ta’ divulgazzjoni ċentralizzat peress li dan jiffaċilita r-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-kwalità tal-informazzjoni tal-Pilastru III.

Il-proposta hija li jiġi applikat approċċ differenti fir-rigward tad-divulgazzjoni pubblika kwantitattiva ta’ istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi (SNCIs) u istituzzjonijiet ta’ kreditu akbar. Għall-SNCIs, l-ABE se tuża rapportar superviżorju biex tiġbor id-divulgazzjoni pubblika (kwantitattiva) korrispondenti fuq il-bażi ta’ mmappjar predefinit, filwaqt li għal istituzzjonijiet akbar l-ABE se tirċievi l-fajls ta’ divulgazzjoni sħiħ “f’format elettroniku” u se jkollha bżonn tippubblika l-fajls fl-istess jum li tirċevihom. Dan l-approċċ differenti ma jidhirx li huwa ġġustifikat. L-istess approċċ għad-divulgazzjonijiet kwantitattivi jista’ jiġi applikat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, irrispettivament mid-daqs u l-kumplessità tagħhom, bil-għan li jitnaqqas il-piż tar-rapportar tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha. Barra minn hekk, l-iskeda ta’ żmien għall-ABE biex tippubblika informazzjoni tal-Pilastru III fuq iċ-ċentru ċentralizzat ma tippermettix li titwettaq ir-rikonċiljazzjoni bejn ir-rappurtar superviżorju u l-informazzjoni dwar l-iżvelar tal-Pilastru III, li jista’ jwassal għal xogħol addizzjonali għas-superviżuri u nuqqas ta’ ċarezza għall-investituri u utenti oħrajn tal-informazzjoni tal-Pilastru III. Barra minn hekk, id-divulgazzjonijiet kwalitattivi u xi divulgazzjonijiet kwantitattivi ma jistgħux jiġu estratti mir-rapportar superviżorju abbażi tal-immappjar predefinit. Din il-kwistjoni tikkonċerna kemm l-SNCIs kif ukoll istituzzjonijiet oħra. Għalhekk, il-proċess biex jiġu ppreżentati tali divulgazzjonijiet lill-ABE għandu jiġi ċċarat. Kunsiderazzjonijiet addizzjonali rigward iċ-ċentru ta’ divulgazzjoni ċentralizzat tal-Pilastru III previst huma pprovduti fil-kuntest tal-Opinjoni CON/2022/11.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li l-emendi proposti għas-CRR jiġu emendati, qed tiġi prevista proposta ta’ abbozzar speċifika f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv għal dan il-għan. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ April 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 663 final.

(2)  COM(2021) 664 final.

(3)  Ara, rigward l-implimentazzjoni ġenerali tal-limitu minimu tal-output, l-Opinjoni CON/2022/11 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2022 dwar proposta għal emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta’ kreditu, ir-riskju tal-aġġustament tal-valutazzjoni tal-kreditu, ir-riskju operazzjonali, ir-riskju tas-suq u l-limitu minimu tal-output. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq EUR-Lex.

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(6)  Ara, b’mod partikolari, il-kontribut tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti, p. 9, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(7)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta’ Lulju 2021: Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli, COM(2021) 390 final, p. 14.

(8)  L-istat tal-ġestjoni tar-riskju klimatiku u ambjentali fis-settur bankarju — Rapport dwar ir-rieżami superviżorju tal-approċċi tal-banek għall-ġestjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali, Novembru 2021, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(9)  Eż. Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13). Dawn l-istandards jaffettwaw direttament lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, permezz tal-kontropartijiet tagħhom, fit-terminu qasir, medju u twil.

(10)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta’ Lulju 2021: Strateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Sostenibbli, COM(2021) 390 final, p. 17.

(11)  Ara wkoll l-Opinjoni CON/2022/11, li tipprovdi kummenti aktar dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-limitu minimu tal-output, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ applikazzjoni u l-arranġamenti tranżitorji tiegħu.

(12)  In-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet ta’ tmexxija tal-korpi maniġerjali huma fost il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu elenkati fil-prijoritajiet superviżorji tal-BĊE għall-2022–2024, li se jinformaw il-proċess ta’ rieżami u eżami superviżorju, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(13)  Ara il-paragrafu 1.12.2 tal-Opinjoni CON/2017/46 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2017 dwar emendi għall-qafas tal-Unjoni għal rekwiżiti kapitali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU C 34, 31.1.2018, p. 5).

(14)  Ara l-paragrafu 1.15 tal-Opinjoni CON/2017/46.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il–Kunsill

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/97


Konklużjonijiet tal-Kunsill: Nindirizzaw id-dimensjoni esterna ta’ theddida terroristika u estremista vjolenti dejjem tevolvi

(2022/C 248/04)

Introduzzjoni

1.

F’konformità mal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża approvata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu, il-Kunsill jagħraf li t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, fil-forom kollha tagħhom u irrispettivament mill-oriġini tagħhom, ikomplu joħolqu sfida kbira f’ambjent strateġiku diġà milqut minn għadd ta’ bidliet ġeopolitiċi u instabbiltà dejjem akbar. F’dan is-sens, huwa jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni soda tiegħu li jħares liċ-ċittadini tal-UE minn dan it-theddid u li jqiegħed lill-UE f’pożizzjoni li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, filwaqt li ttenni l-valuri u l-prinċipji fundamentali tagħha f’konformità mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Kunsill jirrikonoxxi l-ħtieġa għal involviment multilaterali akbar u kooperazzjoni msaħħa ma’ sħab internazzjonali strateġiċi fejn dan jaqdi l-interessi tal-UE.

2.

F’dan il-kuntest, il-Kunsill ifakkar fil-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli tal-aggressjoni militari mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa li tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali, u l-prinċipji tal-Karta tan-NU, u ddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u globali. Jesprimi tħassib serju dwar l-implikazzjonijiet possibbli fit-tul li din l-aggressjoni jista’ jkollha fuq it-theddida terroristika kemm fl-UE kif ukoll globalment.

3.

Il-Kunsill jenfasizza r-rilevanza dejjiema tal-valutazzjoni u l-impenji li jirriżultaw mill-Konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2020 dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti. Flimkien mal-Konklużjonijiet preċedenti tad-9 ta’ Frar 2015 u d-19 ta’ Ġunju 2017, u f’konformità mal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu tal-2005, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016 kif ukoll l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tal-24 ta’ Lulju 2020, u l-Aġenda tal-UE Kontra t-Terroriżmu tad-9 ta’ Diċembru 2020, jirrappreżentaw qafas politiku għaqli u konsistenti għal impenn Ewropew ambizzjuż fix-xena globali.

4.

Il-Konklużjonijiet il-ġodda li l-Kunsill adotta llum għalhekk għandhom l-għan li jiżguraw li l-gwida politika li tmexxi l-azzjoni komuni tagħna tibqa’ aġġustata għar-realtà tal-esponiment tal-UE f’dak li jirrigwarda s-sigurtà. Għal dan il-għan, huma jiffukaw fuq evoluzzjonijiet sinifikanti reċenti fin-natura tat-theddida nnifisha, ukoll fil-kuntest globali li fih topera l-UE sabiex tipprevjeni u tiġġieled kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti.

Theddida terroristika internazzjonali dejjem tevolvi

5.

Il-Kunsill jissottolinja li d-Da’esh, al-Qaeda u l-affiljati tagħhom għadhom jirrappreżentaw l-aktar theddida terroristika prominenti madwar id-dinja. Minkejja t-telf tal-kontroll territorjali tiegħu fuq partijiet tal-Iraq u s-Sirja, kif ukoll l-attakki kontinwi u sinifikanti kontra t-tmexxija tiegħu, Da’esh intenzjonalment reġa’ lura għal ribelljoni moħbija filwaqt li qed jipprova jkompli jiddestabbilizza ż-żewġ pajjiżi, jillibera l-ġellieda detenuti tiegħu, iżomm l-influwenza u d-dominazzjoni tiegħu fuq is-sostenituri lokali tiegħu, jippreserva s-sorsi ta’ finanzjament tiegħu, u eventwalment jerġa’ jibni kapaċità ta’ projezzjoni ta’ theddid. F’dan l-isfond, il-Kunsill jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-approċċ komprensiv tagħhom u jżommu impenn sod fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Iraq u s-Sirja, flimkien mal-Koalizzjoni Globali kontra Da’esh u sħab ewlenin oħra, filwaqt li jindirizzaw b’mod determinat it-theddida kkawżata mill-espansjoni tan-networks globali taż-żewġ organizzazzjonijiet terroristiċi. Il-Kunsill itenni wkoll il-ħtieġa għal soluzzjoni politika għall-konflitt fis-Sirja f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU.

6.

Il-Kunsill jinnota li diversi reġjuni fl-Afrika qed jesperjenzaw espansjoni partikolarment inkwetanti tat-theddida terroristika u estremista vjolenti, inkluż fis-Saħel b’riskju ta’ tixrid lejn il-Punent tal-Afrika u l-Golf tal-Guinea. F’dan l-isfond, huwa jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi mmexxija mill-Afrika li għandhom l-għan li jpoġġu l-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili fil-qalba tal-isforzi tagħhom kontra t-terroriżmu, kif iddikjarat matul is-Sitt Summit bejn l-UE u l-UA li sar fi Brussell fis-17 u t-18 ta’ Frar 2022. Kemm Da’esh kif ukoll al-Qaeda rnexxielhom jisfruttaw nuqqasijiet tas-sigurtà, ekonomiċi, soċjali u ta’ governanza sabiex irawmu l-espansjoni territorjali tal-affiljati lokali tagħhom. Il-Kunsill jinnota bi tħassib kbir it-tibdil tal-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt f’għadd akbar ta’ pajjiżi, u l-militarizzazzjoni u t-tkattir dejjem jiżdiedu ta’ atturi vjolenti f’reġjuni vulnerabbli. Minn din il-perspettiva, huwa jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-iskjerament ta’ kumpanniji militari allegatament privati bħall-grupp Wagner iffinanzjat mir-Russja li, bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, jinvolvi ruħu fi predazzjoni tar-riżorsi naturali lokali, jikser b’mod serju d-drittijiet tal-bniedem, u jaggrava t-tensjonijiet etniċi, jaqdi l-interessi ta’ Da’esh, al-Qaeda u l-gruppi u l-organizzazzjonijiet affiljati tagħhom fit-tul.

7.

It-teħid tal-kontroll mit-Taliban fl-Afganistan iqajjem tħassib sinifikanti għall-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’effett konsegwenzjali reġjonali potenzjali u l-qawmien mill-ġdid tal-Provinċja ta’ Khorasan ta’ Da’esh li issa tirrappreżenta l-aktar theddida terroristika immedjata fil-pajjiż. Il-Kunsill itenni wkoll tħassib serju dwar il-konnessjonijiet tat-Taliban kemm mal-qalba ta’ al-Qaeda kif ukoll mal-fergħa reġjonali tagħha (al-Qaeda fis-Sottokontinent Indjan - AQIS), filwaqt li jivvaluta li dawk il-gruppi x’aktarx japprofittaw mis-sitwazzjoni attwali fit-tul sabiex jiksbu u jiżguraw finanzjament inkluż billi jinvolvu ruħhom f’diversi tipi ta’ traffikar illeċitu, u jattiraw rekluti ġodda, li jista’ jwassal għal kapaċità mġedda li joħolqu theddida diretta għall-interessi Ewropej. Huwa jfakkar fit-talba inekwivoka li t-Taliban iwaqqaf ir-rabtiet diretti u indiretti kollha mat-terroriżmu internazzjonali, u ser ikompli jissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib, f’konformità mal-Konklużjonijiet tiegħu adottati fil-15 ta’ Settembru 2021, u f’konformità mar-Riżoluzzjoni 2593 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Filwaqt li jieħu nota tal-miżuri rakkomandati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra t-Terroriżmu fl-Afganistan, il-Kunsill jinsab lest li jimmobilizza l-għodod rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiżgura li l-Afganistan ma jerġax isir refuġju sikur għall-organizzazzjonijiet terroristiċi.

8.

Il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-isfida kritika ppreżentata mill-kapaċità ta’ Da’esh u al-Qaeda li jattiraw numru bla preċedent ta’ sostenituri madwar id-dinja. Minkejja l-ostakli militari li sofrew iż-żewġ organizzazzjonijiet fl-imgħoddi reċenti, il-preżenza kontinwa ta’ bosta ġellieda terroristi, fil-biċċa l-kbira tagħhom lokali iżda wkoll barranin, f’ħafna reġjuni, speċjalment fl-Iraq u s-Sirja, għadha tirrappreżenta riskju kbir għas-sigurtà. Filwaqt li jinnota li ma jista’ jkun hemm ebda rebħa dejjiema kontra dawn il-gruppi sakemm din il-kwistjoni ma tiġix indirizzata b’mod adegwat, il-Kunsill jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jiżviluppaw approċċ komprensiv bil-għan li jiġi evitat ir-reklutaġġ ta’ ġellieda terroristi fost il-popolazzjonijiet vulnerabbli, inkluż iż-żgħażagħ, billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji, soċjali u ta’ żvilupp. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi evitata r-rilokazzjoni bil-moħbi ta’ ġellieda terroristi u l-familji tagħhom, li jiġi promoss l-irfigħ tar-responsabbiltà, jiġu definiti strateġiji ta’ deradikalizzazzjoni, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni mfassla apposta, jiġi żgurat monitoraġġ xieraq matul u wara d-detenzjoni ta’ dawk misjuba ħatja ta’ terroriżmu, fejn meħtieġ, kif ukoll li jiġi offrut aktar appoġġ lill-pajjiżi li huma primarjament milquta mill-fenomenu ta’ “persuni rimpatrijati”.

9.

Il-Kunsill jirrikonoxxi t-theddida dejjem tikber li ġejja mill-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu tal-lemin, li tirrappreżenta sfida globali serja għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-konnessjonijiet tranżnazzjonali bejn gruppi u individwi estremisti vjolenti tal-lemin marru lil hinn minn sempliċi komunikazzjoni fuq l-Internet, u issa jinvolvu koordinazzjoni, finanzjament, reklutaġġ, u tattiki operazzjonali kondiviżi. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota għadd dejjem jikber ta’ azzjonijiet vjolenti assoċjati mal-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu tax-xellug li wkoll jeħtieġu skrutinju mill-qrib kontinwu. Għalhekk huwa jappella għat-trawwim ta’ fehim komuni tat-theddida u għat-tisħiħ tal-impenn internazzjonali fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu motivati politikament, inkluż fl-oqsma ta’ kontronarrattivi, l-iskambju ta’ informazzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, u t-tixrid tal-aħjar prattiki, fost oħrajn billi jitrawmu l-ħsieb kritiku, il-litteriżmu diġitali, u s-sikurezza pubblika online u billi jiġu promossi d-djalogu interkulturali u t-tolleranza permezz tal-edukazzjoni fil-livelli kollha.

10.

Il-Kunsill jesprimi tħassib dwar it-theddida dejjem tikber maħluqa minn terroriżmu lokali u attakki mwettqa minn atturi solitarji. Jinnota li l-organizzazzjonijiet terroristiċi globali involvew ruħhom intenzjonalment fi strateġija ffukata fuq l-ispirazzjoni ta’ individwi li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma jkollhomx rabtiet preċedenti mat-terroriżmu internazzjonali, u prinċipalment jirrikorru għal modi operandi rudimentali, u b’hekk ikun aktar diffiċli li jiġu pprevenuti l-azzjonijiet tagħhom. Din l-istrateġija ġiet amplifikata matul il-pandemija tal-COVID-19 li żiedet l-iżolament ta’ persuni vulnerabbli u saħħet l-esponiment tagħhom għal fenomenu ta’ radikalizzazzjoni li sikwit isseħħ malajr, speċifikament online. Il-Kunsill għaldaqstant jisħaq fuq il-ħtieġa li jibqgħu jiġu investiti sforzi fil-kondiviżjoni tal-analiżi, l-identifikazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni kemm online kif ukoll offline.

11.

Il-Kunsill jinnota bi tħassib it-tixrid ta’ ideoloġiji estremisti vjolenti li jistgħu jwasslu biex jinbet it-terroriżmu. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu pprevenuti t-tixrid u l-finanzjament ta’ kull tip ta’ propaganda estremista vjolenti, inkluż ideoloġija Iżlamista estremista vjolenti, li huma inkonsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li huma fil-qalba tal-valuri u l-prinċipji tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kunsill jappella b’mod speċjali biex tiġi indirizzata l-isfida ta’ finanzjament mhux trasparenti li ġej minn atturi barranin li jrawmu influwenza mhux mixtieqa fuq organizzazzjonijiet ċivili u reliġjużi fi ħdan l-UE u fuq skala globali. Jappella wkoll biex jiġu identifikati modi effettivi biex tiġi indirizzata t-theddida minn organizzazzjonijiet, individwi u entitajiet li l-attivitajiet tagħhom għandhom l-għan dirett li jirradikalizzaw, jindottrinaw, u jispiraw lin-nies biex iwettqu atti vjolenti u terroristiċi.

Użu ħażin ta’ teknoloġiji ġodda għal skop terroristiku

12.

Il-Kunsill jagħraf li t-teknoloġiji l-ġodda l-ewwel u qabel kollox jirrappreżentaw opportunità tremenda għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE, u jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti. Fl-istess waqt, jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa li jitqies it-tħassib leġittimu dwar is-sigurtà li jirriżulta mill-użu ħażin potenzjali ta’ xi wħud minn dawn l-għodod minn atturi terroristiċi, bħall-istampar 3D, is-sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS), eċċ. Għal dan il-għan, il-Kunsill iħeġġeġ lill-UE żżomm approċċ komprensiv b’diversi partijiet ikkonċernati li jħaddan fih impenn qawwi ma’ pajjiżi sħab, fora multilaterali, is-settur privat, id-dinja akkademika u l-parteċipazzjoni sinifikanti tas-soċjetà ċivili inkluż organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u organizzazzjonijiet immexxija min-nisa u ż-żgħażagħ.

13.

Il-Kunsill jenfasizza l-importanza kritika li tiġi ppreservata l-libertà tal-espressjoni u drittijiet fundamentali oħrajn, li jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetajiet demokratiċi. Jagħraf li parti sinifikanti mill-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu jeħtieġ li ssir online, fi żmien meta l-organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali qed jiddependu b’mod sinifikanti minn għodod diġitali biex ixerrdu l-propaganda tagħhom, jirreklutaw u jespandu l-impronta tagħhom fuq l-Internet. Filwaqt li l-adozzjoni tar-Regolament dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online u l-adozzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali qiegħdu lill-UE fuq quddiem nett ta’ din il-ġlieda, l-iżviluppi tekniċi jkomplu joħolqu dgħufijiet li l-gruppi terroristiċi wrew kull intenzjoni li jieħdu vantaġġ minnhom sabiex iżommu l-preżenza tagħhom online. Dan jinkludi attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi permezz tal-użu ħażin ta’ pjattaformi iżgħar, sikwit imsejsa fuq teknoloġija blockchain u l-web deċentralizzat, li jagħmlu s-sejbien u, fejn xieraq, it-trażżin ta’ kontenut illegali saħansitra aktar diffiċli. F’dan l-isfond, il-Kunsill jappella lill-industrija tat-teknoloġija u speċjalment lill-pjattaformi online, irrispettivament mid-daqs tagħhom, biex jerfgħu aktar responsabbiltà għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tixrid, inkluż permezz tal-amplifikazzjoni algoritmika tiegħu, ta’ kontenut terroristiku u estremist vjolenti online.

14.

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-importanza kritika tat-tixjin tas-sorsi tal-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż permezz ta’ traffikar illeċitu bħal ta’ proprjetà kulturali, f’konformità mal-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) u tal-UE. Jinnota wkoll bi tħassib ir-riskju assoċjat maż-żieda fl-użu ta’ forom ġodda u anonimi ta’ pagamenti li jinvolvu flus elettroniċi, kriptoassi u teknoloġiji blockchain, flus mobbli, u kards imħallsin minn qabel mit-terroristi. Għalhekk huwa jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab biex iżidu l-konformità mar-rekwiżiti tal-UE u tal-FATF u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-anonimità tat-tranżazzjonijiet, billi jittraċċaw, jidentifikaw, jissanzjonaw u jżarmaw b’mod effettiv it-trażmettituri tal-flus illegali. Għal dak il-għan huwa jinkoraġġixxi kooperazzjoni aktar attiva mill-industrija tal-Fintech ma’ unitajiet ta’ intelligence finanzjarja, servizzi ta’ infurzar tal-liġi u ta’ investigazzjoni ġudizzjarja. Il-Kunsill jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi bħala sħab ċentrali fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti. Huwa jtenni wkoll l-importanza li l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili ma jiġux imfixkla jew skoraġġuti, u li jiġi żgurat li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu ma jintużawx ħażin biex jimmiraw jew jikkriminalizzaw atturi umanitarji leġittimi jew difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Sadanittant, il-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ permezz ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju kif ukoll permezz ta’ miżuri mmirati u proporzjonati sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż mit-terroristi u għalihom.

Il-ħtieġa li l-UE tafferma mill-ġdid il-valuri u l-prinċipji fundamentali tagħha

15.

Il-Kunsill jiddispjaċih dwar xejra ta’ politiċizzazzjoni li qed tikber fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Minn naħa, l-organizzazzjonijiet terroristiċi qed jippruvaw dejjem aktar jikkapitalizzaw fuq sistemi ta’ governanza dgħajfa, speċjalment fl-aktar pajjiżi fraġli, sabiex jimponu d-dominanza tagħhom, jattiraw appoġġ mill-popolazzjonijiet lokali, u juru lilhom infushom bħala alternattivi aktar leġittimi u effiċjenti għall-gvernijiet. B’mod komparabbli, il-kapaċità tal-komunità internazzjonali li tippreżenta front magħqud kontra t-terroriżmu għadha mxekkla minn tentattivi mhux moħbija minn reġimi prinċipalment awtoritarji li għandhom l-għan li jużaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu bħala skuża biex jiksbu l-għanijiet politiċi tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu biex jaggravaw il-polarizzazzjoni f’fora multilaterali dwar din il-kwistjoni. F’dan l-isfond, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm oppożizzjoni qawwija kontra kwalunkwe tentattiv ta’ politiċizzazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż f’fora internazzjonali. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser jagħmlu ħilithom biex jippreservaw u jippromwovu approċċ ibbażat fuq fatti oġġettivi u l-evoluzzjoni tat-theddida, filwaqt li jqisu wkoll li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu b’mod komprensiv jirrikjedu t-trawwim ta’ mudelli ta’ governanza sodi, inklużivi u demokratiċi bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

16.

F’dan l-isfond ta’ rivalità sistemika dejjem tikber fix-xena globali, il-Kunsill jafferma mill-ġdid b’mod riżolut il-konvinzjoni tiegħu li d-demokrazija, it-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, ir-reattività għal kwistjonijiet ta’ ġeneru, kif ukoll il-konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u d-dritt umanitarju internazzjonali huma l-uniku rispons sostenibbli għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Il-Kunsill jinnota bi tħassib kbir li d-dittatorjati, ir-reġimi militari u awtoritarji qed jiżdiedu f’diversi pajjiżi l-aktar milquta mit-terroriżmu u li hemm evidenza li tali mudelli ta’ governanza jaggravaw din it-theddida. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom għalhekk jiżguraw li l-promozzjoni u r-rispett għal dawn il-prinċipji fundamentali jibqgħu l-pedament tal-involviment tagħhom kemm f’kuntesti bilaterali kif ukoll multilaterali filwaqt li jsaħħu r-rabta bejn l-aderenza ma’ dawn il-valuri u l-prinċipji u l-assistenza li jipprovdu jew huma lesti li jipprovdu għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti madwar id-dinja.

17.

Il-ġlieda kontra l-impunità għal atti mwettqa mit-terroristi u l-iżgurar tar-rikonoxximent u l-assistenza, l-appoġġ u l-kumpens adegwati għall-vittmi huma assolutament kritiċi biex jiġi żgurat li t-theddid terroristiku jkun jista’ jiġi indirizzat b’suċċess fit-tul. Il-Kunsill għalhekk jappella għat-twettiq ta’ attivitajiet li jibnu l-kapaċità tal-UE mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab biex jinvestigaw u jipproċedu b’mod adegwat għal każijiet ta’ terroriżmu bir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li jista’ jkollhom il-vittmi u l-familji tagħhom, inkluż fil-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa s-solidarjetà internazzjonali u jiġi żgurat li dawn jiġu ttrattati b’dinjità u rispett.

18.

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti mhumiex inevitabbiltà. Biex dawn jingħelbu jeħtieġ li jkun hemm sforz globali konsistenti u komprensiv li ma jistax jiddependi biss fuq azzjoni militari, iżda jinkludi wkoll soċjetà kollha kemm hi mmexxija minn persuni ċivili, rispons li għandu l-għan li jindirizza l-kawżi ewlenin tat-theddida, inkluż l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, in-nuqqas ta’ governanza tajba, kif ukoll l-impatt tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata u t-tibdil fil-klima. Il-ħarsien tal-wirt kulturali jista’ jkollu wkoll rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-paċi, id-demokrazija, l-iżvilupp sostenibbli u l-prevenzjoni tat-terroriżmu billi jrawwem it-tolleranza, id-djalogu u l-fehim reċiproku. Il-Kunsill jirrikonoxxi li dan l-isforz globali għandu jinvolvi dimensjoni b’saħħitha sensittiva għall-ġeneru, bil-ħsieb li jiġi indirizzat l-impatt tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, filwaqt li tiġi żgurata l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva u sinifikanti tan-nisa fl-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dan l-approċċ komprensiv għandu jinkludi fost l-oħrajn assistenza umanitarja fl-aktar kuntesti kritiċi, għajnuna għall-istabbilizzazzjoni f’pajjiżi li ħerġin minn kriżi, kooperazzjoni għall-iżvilupp u investiment akbar fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti permezz ta’ sħubijiet imsaħħa ma’ atturi lokali. Filwaqt li jibqa’ impenjat li jagħmel dan, il-Kunsill ifakkar ukoll fl-importanza tas-sjieda lokali u li r-responsabbiltà primarja ta’ din il-ġlieda hija tal-gvernijiet tal-pajjiżi li huma l-ewwelnett ikkonfrontati b’dan it-theddid.

19.

Il-Kunsill jirrikonoxxi l-ħidma kritika mwettqa minn atturi umanitarji internazzjonali u mhux governattivi sabiex jipprovdu assistenza vitali lill-popolazzjonijiet fil-bżonn affettwati minn konflitt u instabbiltà, filwaqt li jinnota li din l-għajnuna umanitarja tikkontribwixxi biex fl-aħħar mill-aħħar jiġi evitat li terġa’ tfeġġ it-theddida f’żoni liberati mill-kontroll ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi. Minn din il-perspettiva, il-Kunsill jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li l-politika tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-azzjoni umanitarja bbażati fuq il-prinċipji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. F’konformità mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Forum Umanitarju Ewropew li sar mill-21 sat-23 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill itenni d-determinazzjoni tiegħu li jissalvagwardja l-ispazju umanitarju u jadotta miżuri konkreti bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv potenzjali tal-azzjonijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq attivitajiet umanitarji bbażati fuq il-prinċipji mingħajr ma tiddgħajjef l-integrità tal-arkitettura tal-UE tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dawn il-miżuri għandhom, fost l-oħrajn, jinvolvu soluzzjonijiet konkreti biex jiffaċilitaw l-aċċess finanzjarju tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, jindirizzaw id-diffikultajiet li jirriżultaw minn imġiba konformi żżejjed mis-settur bankarju privat, u jipprovdu aktar gwida lill-organizzazzjonijiet umanitarji fir-rigward tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom skont ir-reġimi differenti ta’ sanzjonijiet tal-UE tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

20.

Filwaqt li jinnota li l-involviment internazzjonali tal-UE kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti qed jiddgħajjef minħabba kampanji dejjem aktar aggressivi ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni, inkluż id-diżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz u t-tixrid ta’ teoriji ta’ kospirazzjoni, il-Kunsill jirrikonoxxi li azzjonijiet ta’ suċċess f’dan il-qasam jeħtieġu li jiġu appoġġati minn komunikazzjoni strateġika, u bit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunità. Għalhekk huwa meħtieġ sforz ikkoordinat biex jiġu deskritti u spjegati aħjar l-objettivi strateġiċi ewlenin tal-UE, tiġi kkomunikata narrattiva pożittiva u jkun hemm involviment mal-udjenzi ta’ pajjiżi terzi u biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni.

L-espansjoni tar-rwol tal-UE fix-xena globali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

21.

Filwaqt li jibni fuq il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-impenn internazzjonali tagħhom kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jikkontribwixxu għal rispons kollettiv adegwat għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u jiżguraw li jkun jaqbel mal-prijoritajiet u l-valuri tagħhom, abbażi tar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali. Filwaqt li n-natura tat-theddid timponi neċessarjament dimensjoni globali għal dan l-impenn, il-prijoritajiet segwiti mill-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom primarjament ikunu ggwidati mir-realtà tal-esponiment tagħhom għas-sigurtà. Għalhekk għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħtu attenzjoni speċifika lill-viċinat qrib tagħhom, inkluż is-Saħel, l-Afrika ta’ Fuq, il-Levante u l-Lvant tal-Mediterran. Il-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent għandha tissaħħaħ aktar, inkluż permezz tal-implimentazzjoni kontinwa tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-UE għandha żżomm ukoll enfasi fuq żoni speċifiċi fejn il-preżenza ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti vjolenti internazzjonali tista’ eventwalment tkun ta’ theddida diretta għas-sigurtà Ewropea, inkluż l-Asja Ċentrali u r-reġjun Indo-Paċifiku.

22.

Impenn bilaterali u multilaterali b’saħħtu u bbażat fuq il-prinċipji huwa karatteristika ċentrali tal-politika globali tal-UE tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’dan il-qafas, il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li titfittex u tinżamm kooperazzjoni intensiva mas-sħab bilaterali strateġiċi, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ewlenija tad-djalogi politiċi tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà. Huwa jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti f’dan il-qasam u jilqa’ l-isforzi li saru mill-UE biex issaħħaħ is-sħubija strateġika tagħha mal-korpi rilevanti tan-NU. F’konformità mal-prinċipji gwida maqbula mtennija wkoll fil-Boxxla Strateġika, il-Kunsill barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa li tiġi approfondita s-sħubija strateġika ta’ benefiċċju u ta’ tisħiħ reċiproku man-NATO, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet konġunti ta’ Varsavja (2016) u Brussell (2018), fost l-oħrajn fl-oqsma tar-reżiljenza kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ pajjiżi sħab. Barra minn hekk, huwa jappoġġa involviment aktar sostnut tal-UE fejn jidħlu organizzazzjonijiet internazzjonali involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, inkluż l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Interpol, u fora b’diversi partijiet ikkonċernati bħall-Forum tal-UE dwar l-Internet u s-Sejħa ta’ Christchurch.

23.

Il-Kunsill jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-koordinazzjoni tagħhom u jiżviluppaw approċċ strateġiku mmirat lejn it-tisħiħ tal-kapaċità kollettiva tagħhom li jinfluwenzaw l-orjentazzjonijiet strateġiċi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Huwa jilqa’ t-tentattiv b’suċċess tal-UE għall-kopresidenza tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF) fejn l-UE tista’ tgħin fit-tfassil tal-aġenda dwar il-politika u l-prattiki internazzjonali kontra t-terroriżmu u tippromwovi l-valuri tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kunsill jinnota li dan għandu jwassal għal aktar appoġġ u impenn strateġiku lejn din l-organizzazzjoni kif ukoll lejn l-istituzzjonijiet “ispirati” tagħha (il-Fond Globali għall-Involviment u r-Reżiljenza tal-Komunità, iċ-Ċentru Hedayah u l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u għall-Istat tad-Dritt). L-UE għandha wkoll tibqa’ impenjata ħafna fil-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh, il-gruppi ta’ ħidma tagħha u l-Grupp Fokali dwar l-Afrika li għadu kif ġie stabbilit, kif ukoll fil-Koalizzjoni għas-Saħel, bil-ħsieb li jiġi implimentat approċċ koordinat u komprensiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Dan l-impenn internazzjonali għandu jkun iggwidat ukoll mill-ħtieġa li jitrawmu sinerġiji fost diversi inizjattivi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali li għandhom l-għan li jiġġieldu t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, u jevitaw id-duplikazzjoni tal-isforzi.

24.

Il-Kunsill jilqa’ l-kontribut siewi pprovdut min-network ta’ Esperti Kontra t-Terroriżmu/tas-Sigurtà mqiegħda f’delegazzjonijiet magħżula tal-UE, filwaqt li jinnota li dan in-network ippermetta lill-UE tespandi l-firxa globali tagħha, il-kapaċità tagħha li tiżviluppa valutazzjonijiet aktar preċiżi tas-sitwazzjonijiet lokali, u li ssostni l-involviment bilaterali u multilaterali. Filwaqt li dan in-network kompla jespandi matul dawn l-aħħar snin, il-Kunsill jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li tissaħħaħ l-kapaċità tiegħu u li d-daqs tiegħu jiżdied aktar sabiex jirrispondi għall-iżviluppi ġeopolitiċi u l-ħtiġijiet strateġiċi. Il-Kunsill jilqa’ l-isforzi u r-riflessjonijiet reċenti tas-SEAE f’dan ir-rigward, inkluż fir-rigward tal-ambitu ġeografiku u l-mandat tan-network u l-koordinazzjoni tiegħu mal-azzjonijiet tal-Istati Membri.

25.

Il-Kunsill ifakkar ukoll fil-kontribut siewi pprovdut mill-Missjonijiet ċivili tal-PSDK, fil-qafas tal-approċċ integrat tal-UE u kif enfasizzat mill-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK, fil-mandati rispettivi tagħhom, fit-tisħiħ tas-setturi tas-sigurtà u l-ġustizzja fil-pajjiżi ospitanti u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti b’mod effettiv u f’konformità mal-istat tad-dritt.

Użu aktar strateġiku tar-reġimi ta’ sanzjonijiet tal-UE kontra t-terroriżmu

26.

Il-Kunsill ifakkar li s-sanzjonijiet kontra t-terroriżmu huma għodda b’saħħitha biex tiġi appoġġata u implimentata l-politika esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għalhekk huwa jilqa’ użu akbar ta’ dawn l-istrumenti sabiex b’mod kollettiv tiġi appoġġata azzjoni determinata u ambizzjuża tal-UE permezz ta’ deżinjazzjonijiet ġodda, fejn rilevanti u possibbli, li jirriflettu l-evoluzzjoni tat-theddida u jirrispondu għall-emerġenza ta’ atturi terroristiċi ġodda.

Il-konformità tal-miżuri restrittivi tal-UE mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-proċess ġust u l-istat tad-dritt, tikkostitwixxi l-pedament tal-kredibbiltà u l-effettività tal-politika ta’ sanzjonijiet tal-UE. F’dik il-perspettiva, il-Kunsill ifakkar li l-miżuri restrittivi huma mmirati, ikkalibrati bir-reqqa u proporzjonati għall-objettivi li jfittxu li jiksbu. Huwa jirrikonoxxi li r-rwol tas-sanzjonijiet irid ikun preventiv, u jimpenja ruħu li jqis bis-sħiħ iċ-ċirkostanzi li qed jevolvu u r-realtà tat-theddida maħluqa mill-entitajiet u l-individwi elenkati bħala parti minn rieżamijiet regolari u jaġġorna l-elenkar kif xieraq. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ikompli jilqa’ l-miżuri kollha meħuda f’din id-direzzjoni inkluż il-kontribut sinifikanti tal-Uffiċċju tal-Ombudsperson tan-NU li, sa mill-istabbiliment tiegħu, ġab aktar ġustizzja u trasparenza lir-reġim ta’ sanzjonijiet tan-NU għad-Da’esh u l-Al-Qaida.

Il-Kunsill jissottolinja l-benefiċċji kondiviżi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni ma’ atturi internazzjonali oħra, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u pajjiżi terzi dwar deżinjazzjonijiet ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jinkoraġġixxi aktar djalogu u sforzi msaħħa biex jiġi żgurat fehim tajjeb tar-rekwiżiti legali u proċedurali speċifiċi tal-UE, u tiġi evitata l-istrumentalizzazzjoni politika tas-sanzjonijiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Implimentazzjoni u segwitu tal-konklużjonijiet

27.

Il-Kunsill jesprimi appoġġ qawwi għal sinerġiji akbar bejn id-dimensjonijiet interni u esterni tal-azzjonijiet tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Huwa jappella wkoll għal sforz kollettiv mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-kisba tal-objettivi deskritti hawn fuq. Dawn il-linji gwida ta’ politika għandhom jitqiesu b’mod speċjali filwaqt li jiġi definit l-impenn finanzjarju futur ma’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal dan il-għan, u f’konformità mal-objettiv stabbilit fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, il-Kunsill jilqa’ t-tnedija ta’ rieżami, li għandu jiġi konkluż sal-bidu tal-2023, tal-għodod u l-programmi tal-UE li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab kontra t-terroriżmu, sabiex tiżdied l-effettività tagħhom.

28.

Il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ li dawn il-konklużjonijiet jiġu rieżaminati regolarment biex jiġi żgurat li l-konsiderazzjonijiet politiċi u strateġiċi li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-UE kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti jibqgħu aġġustati għar-realtà tat-theddida.

Il-Kummissjoni Ewropea

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/104


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta’ Ġunju 2022

(2022/C 248/05)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0517

JPY

Yen Ġappuniż

143,53

DKK

Krona Daniża

7,4392

GBP

Lira Sterlina

0,86461

SEK

Krona Żvediża

10,6848

CHF

Frank Żvizzeru

1,0005

ISK

Krona Iżlandiża

139,90

NOK

Krona Norveġiża

10,3065

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,739

HUF

Forint Ungeriż

394,28

PLN

Zloty Pollakk

4,6869

RON

Leu Rumen

4,9419

TRY

Lira Turka

17,4998

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5256

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3513

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,2532

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6871

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4607

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 364,02

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

16,9295

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,0382

HRK

Kuna Kroata

7,5285

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 612,61

MYR

Ringgit Malażjan

4,6272

PHP

Peso Filippin

57,773

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

36,925

BRL

Real Brażiljan

5,5163

MXN

Peso Messikan

21,1375

INR

Rupi Indjan

83,0370


(1)  Sors: rata tal-kambju ta’ referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/105


Avviż ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar- Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità

Modifika tal-obbligi tas-servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi tal-ajru skedati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 248/06)

Stat Membru

Franza

Rotta kkonċernata

Aurillac - Pariġi (Orly)

Data oriġinali tad-dħul fis-seħħ tal-obbligi ta’ servizz pubbliku

l-1 ta’ Ġunju 2011

Data tad-dħul fis-seħħ tal-modifiki

l-1 ta’ Ġunju 2023

Indirizz minn fejn jistgħu jinkisbu t-test, u kull informazzjoni u/jew dokumentazzjoni rilevanti marbuta mal-obbligu ta’ servizz pubbliku

Id-Digriet tal-1 ta’ Ġunju 2022 li jemenda l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti fuq is-servizzi tal-ajru bi skeda bejn Aurillac u Pariġi (Orly)

NOR: TREA2215683A

http://www.legifrance.gouv.fr/initRechTexte.do

għal aktar informazzjoni:

Id-Direttorat Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili

DTA/SDS1

50 rue Henry Farman

75720 Paris Cedex 15

FRANZA

Tel. +33 158094321


30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/106


Avviż ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar- Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità

Modifika tal-obbligi tas-servizz pubbliku fir-rigward tas-servizzi tal-ajru skedati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 248/07)

Stat Membru

Franza

Rotta kkonċernata

Limoges (Bellegarde) – Pariġi (Orly)

Data oriġinali tad-dħul fis-seħħ tal-obbligi ta’ servizz pubbliku

l-4 ta’ Awissu 2004

Data tad-dħul fis-seħħ tal-modifiki

l-4 ta’ Marzu 2023

Indirizz minn fejn jistgħu jinkisbu t-test, u kull informazzjoni u/jew dokumentazzjoni rilevanti marbuta mal-obbligu ta’ servizz pubbliku

Id-Digriet tal-1 ta’ Ġunju 2022 li jimmodifika l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti fuq is-servizzi tal-arju bejn Limoges u Pariġi (Orly)

NOR: TREA2215686A

http://www.legifrance.gouv.fr/initRechTexte.do

għal aktar informazzjoni:

Id-Direttorat Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili

DTA/SDS1

50 rue Henry Farman

75720 Paris Cedex 15

FRANZA

Tel. +33 0158094321


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/107


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitata għal Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd u ta’ bidu ta’ rieżami tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2022/C 248/08)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u prodotti minn Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd. u Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co. Ltd (“il-produttur esportatur ikkonċernat”), qed jiġu ddampjati u b’hekk qed jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal dannu materjali (2) lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Lment

L-ilment tressaq fis-16 ta’ Mejju 2022 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fibri magħmula mill-bniedem (“CIRFS” jew “l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-ħjut ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tal-ilment u analiżi ta’ kemm l-ilment ġie appoġġat mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 6.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja mhux ippreżentati għall-bejgħ bl-imnut, inkluż monofilament ta’ inqas minn 67 deċiteks (eskluż ħajt tal-ħjata u raden multiplu (mitwi) jew immaljat “Z”, maħsub għall-produzzjoni ta’ ħajt tal-ħjata, lest għaż-żbigħ u biex jirċievi trattament ta’ finitura, imdawwar b’mod ħafif fuq tubu mtaqqab tal-plastik) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazji anti-dumping definittivi imposti bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2017/325 (4) tal-24 ta’ Frar 2017, kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1159 (5) tad-29 ta’ Ġunju 2017. Bħalissa għaddejja reviżjoni tal-iskadenza (6) dwar dawn il-miżuri.

4.   Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402 2000 10). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss, bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-Taqsima 2.

L-ilmentatur sostna li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-ispejjeż domestiċi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur qagħad fuq l-informazzjoni fir-rapport tal-pajjiż tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fil-pajjiż kkonċernat (7). B’mod partikolari, l-ilmentatur sostna li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat jidhru li huma affettwati minn distorsjonijiet bħala konsegwenza tal-preżenza tal-Istat b’mod ġenerali u aktar speċifiku li jaffettwaw is-settur kimiku, minn distorsjonijiet fit-taqsima dwar il-materja prima (użata fil-produzzjoni tal-ħjut ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri, jiġifieri l-aċidu tereftaliku purifikat u l-monoetilen glikol), u d-distorsjonijiet deskritti fil-kapitoli dwar id-distorsjonijiet ġenerali tal-enerġija u tax-xogħol.

B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq paragun ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat, meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Il-marġni tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huwa sinifikanti għall-produttur esportatur ikkonċernat.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed provi skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (8).

5.   Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-produttur esportatur ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat mill-produttur esportatur ikkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba u l-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-livell ta’ profittabbiltà tagħha.

6.   Proċedura

Ladarba ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat f’isem l-industrija tal-Unjoni, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni hija limitata fl-ambitu għall-produttur esportatur ikkonċernat u kull kumpanija relatata magħhom. Il-produttur esportatur ikkonċernat kiseb rata ta’ dazju antidumping ta’ żero wara l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet ta’ ħjut ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (9). Għaldaqstant, dan il-produttur esportatur kien eskluż mill-ambitu ta’ dak il-proċediment, inkluż kull rieżami sussegwenti tiegħu. Produttur esportatur ieħor, Hangzhou Zhanhong Chemical Fiber Co., Ltd, ukoll irċieva rata ta’ dazju anti-dumping ta’ żero fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping imsemmija hawn fuq. Madankollu, jidher li dan il-produttur esportatur ma baqax jeżisti. Jekk il-Kummissjoni tirċievi evidenza kuntrarja, Hangzhou Zhanhong Chemical Fiber Co., Ltd se tkun koperta mill-investigazzjoni preżenti.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott taħt investigazzjoni li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u li hu prodott mill-produttur esportatur ikkonċernat huwiex qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ħolqux dannu lill-industrija tal-Unjoni jew jekk ikkontribwewx għalih.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika ppubblikata (10) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

6.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

6.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dannu u mar-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

6.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produttur esportatur (11) ikkonċernat huwa mistieden jipparteċipa fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

6.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Biex tikseb informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportatur ikkonċernat u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Poplari taċ-Ċina.

Il-produtturi esportatur ikkonċernat irid jimla kwestjonarju fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċhttps://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613

6.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (HS) ipprovduti fl-ilment, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2 (6a) tar-Regolament bażiku, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, inkluż, fejn xieraq, l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq li biħsiebha tuża għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2 (6a) permezz ta’ nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet fl-investigazzjoni se jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a).

Bl-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk f’dawk il-pajjiżi terzi hemmx livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal dak fil-pajjiż ikkonċernat, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk id-data rilevanti hijiex disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, it-Turkija tista’ tkun pajjiż terz xieraq rappreżentattiv.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produttur esportatur ikkonċernat biex jipprovdi l-informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma kif ukoll ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD690_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 6.6 u 6.8 ta’ hawn taħt.

Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali għandha tittieħed esklussivament minn sorsi pubbliċi li huma faċilment disponibbli.

6.3.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (12) (13)

Importaturi tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li mhumiex relatati, huma mistiedna biex jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjonijiet ta’ importaturi magħrufa.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613.

6.4.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613

6.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċhttps://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2613. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

6.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li pprovdew informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.3, 6.4 u 6.5 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw ruħhom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess (14).

6.7.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-smigħ normalment isir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-smigħ normalment isir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-smigħ normalment isir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ barra l-limitu ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jiċħdu talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali ċaħda.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

6.8.    Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u / jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u / jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (15). Il-partijiet li jippreżentaw l-informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfornix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ)” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat Ġ

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: TRADE-AD690-HTYP-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-AD690-HTYP-INJURY@ec.europa.eu

7.   Skeda tal-investigazzjoni

Normalment, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar u mhux aktar minn 14-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm huma preċiżi l-kalkoli.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, li mhux se jiġu imposti dazji erba’ (4) ġimgħat qabel id-data tal-għeluq skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

8.   Rieżami tal-miżuri

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010, ġie impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħajt ta’ tenaċità għolja ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 5402 20 00 (il-kodiċi TARIC 5402 2000 10). Ir-rata tad-dazju ad valorem għal Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd kienet ta’ 0 %.

Fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-Messiku – Ċanga u Ross (16), l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri imposti fuq Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 ma għadhiex xierqa u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. Għalhekk jenħtieġ li jinfetaħ rieżami fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010 sabiex tkun tista’ ssir kwalunkwe emenda meħtieġa fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Messiku – Ċanga u Ross.

Għalhekk, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2015/476, għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1105/2010.

9.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

10.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħrajn

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħrajn. Meta jagħmlu hekk, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħrajn u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar isiru fi żmien jum (1) mill-iskadenza għal kummenti marbutin ma’ din id-divulgazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-perjodu ta’ żmien indikat huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mill-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

11.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata abbażi ta’ raġuni valida.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.

Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

12.   Nonkoperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nonkooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost żejjed mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

13.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti dwar il-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsina 6.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inklużi s-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ ikun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għal talbiet għal interventi, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż).

14.   Ipproċessar ta’ data personali

Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/ (bl-Ingliż).


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  ĠU L49, 25.2.2017, p. 6.

(5)  ĠU L167, 30.6.2017, p. 31.

(6)  ĠU C87, 23.2.2022, p. 2.

(7)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(8)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

(9)  Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 tad-29 ta’ Novembru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1).

(10)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(11)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott investigat.

(12)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed biss), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

(14)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(15)  Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(16)  Il-Messiku – Miżuri Definittivi ta’ Anti-dumping fuq iċ-Ċanga u r-Ross, Rapport tal-Korp tal-Appell, WT/DS295/AB/R, id-29 ta’ Novembru 2005.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĦJUT TA’ TENAĊITÀ GĦOLJA TA’ POLIESTERI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 6.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-Email:

 

Telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, tal-prodott li qed jiġi investigat kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

 

Volum f’tunnellata metrika

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott investigat (minn kullimkien)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew domestiku) tal-prodott investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott investigat, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal din il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/119


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-sussidju applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2022/C 248/09)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza (1) imminenti tal-miżuri anti-sussidju fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

Din it-talba tressqet fil-31 ta’ Marzu 2022 minn Arctic Paper Grycksbo AB, Burgo Group SpA, Fedrigoni SpA, Lecta Group u Sappi Europe SA (“l-applikanti”). It-talba saret mill-industrija tal-Unjoni ta’ ċerta karta fina miksija fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott taħt rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa karta fina miksija, li hija karta jew kartun miksija minn naħa waħda jew miż-żewġ naħat (minbarra karta kraft jew kartun kraft), f’folji jew rombli, u b’piż ta’ 70 g/m2 jew aktar iżda mhux aktar minn 400 g/m2 u luminożità ta’ aktar minn 84 (imkejla skont l-ISO 2470-1), (“il-prodott taħt rieżami”).

Il-prodott taħt rieżami ma jinkludix:

Rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed. Rombli adatti għall-użu f’magni tal-istampar web-fed huma definiti bħala dawk ir-rombli li, jekk jiġu ttestjati skont l-istandard tat-test ISO, ISO 3783:2006, dwar id-determinazzjoni tar-reżistenza għat-tiċrit – il-metodu tal-veloċità aċċellerata li juża t-tester IGT (mudell elettriku), jagħtu riżultat ta’ inqas minn 30 N/m meta l-karta titkejjel b’mod trażversali (cross direction, CD) u riżultat ta’ inqas minn 50 N/m meta titkejjel fid-direzzjoni tal-magna (machine direction, MD).

Karta u kartun b’ħafna saffi.

Il-prodott taħt rieżami bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4810 13 00, ex 4810 14 00, ex 4810 19 00, ex 4810 22 00, ex 4810 29 30, ex 4810 29 80, ex 4810 99 10 u ex 4810 99 80 (kodiċijiet TARIC 4810130020, 4810140020, 4810190020, 4810220020, 4810293020, 4810298020, 4810991020 u 4810998020). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss, mingħajr preġudizzju għall-emenda possibbli tagħhom f’passi futuri tal-proċediment.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazji definittivi ta’ antisussidji imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1187 (3).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ sussidjar u fir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar

L-applikanti pprovdew provi biżżejjed li juru li l-produtturi tal-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat ibbenefikaw u x’aktarx li se jkomplu jibbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u minn gvernijiet reġjonali u lokali ta’ dak il-pajjiż.

L-applikanti ma kkwantifikawx b’mod preċiż il-livell attwali ta’ sussidjar għas-sussidji kollha. Madankollu, abbażi tal-evidenza fit-talba, jidher li l-livell ta’ sussidjar għadu sostanzjali u ogħla minn de minimis.

Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn (i) trasferiment dirett ta’ fondi; (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur; (iii) forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata; u (iv) pagamenti lil mekkaniżmu ta’ finanzjament jew li korp privat jiġi fdat jew inkarigat biex iwettaq funzjoni waħda jew iktar mill-funzjonijiet ta’ hawn fuq. Fost l-oħrajn, l-applikanti allegaw l-eżistenza ta’ self preferenzjali, għotjiet, eżenzjonijiet mit-taxxa diretta u l-forniment mill-gvern ta’ art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata. Xi wħud mill-prattiki ta’ sussidjar allegati diġà ġew ikkumpensati fl-investigazzjoni oriġinali filwaqt li oħrajn huma addizzjonali jew huma sussidji ġodda li ma kinux ġew eżaminati fl-investigazzjoni oriġinali.

L-applikanti jallegaw li l-miżuri deskritti huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat jew minn gvernijiet reġjonali u lokali jew kwalunkwe entità pubblika u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi tal-prodott taħt rieżami. Huwa allegat li dawn is-sussidji huma speċifiċi peress li huma limitati għal ċerti intrapriżi u/jew reġjuni u/jew huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Għalhekk, huwa allegat li jistgħu jiġu kkumpensati skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku.

Fid-dawl tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha u li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni tibda din l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jinsab fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki oħrajn ta’ sussidju rilevanti li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

4.2.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu

L-applikanti jallegaw probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu mill-pajjiż ikkonċernat. F’dan ir-rigward, l-applikanti ipprovdew biżżejjed evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità sostanzjali mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat. Dan huwa wkoll minħabba l-attraenza tas-suq tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ daqs.

L-applikanti jallegaw li t-tneħħija tad-dannu seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li żieda fl-importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, ġie determinat li jeżistu provi biżżejjed ta’ probabbiltà ta’ sussidjar u ta’ dannu biex tiġi ġustifikata t-tnedija ta’ rieżami tal-iskadenza, u b’dan il-Kummissjoni tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri hix probabbli li twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ sussidjar tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

Il-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat ġie mistieden għal konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika ppubblikata (4), dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u kontra s-sussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għall-investigazzjoni anti-dumping separata li tinsab għaddejja u li tkopri l-istess prodott (5). Il-produtturi esportaturi, l-industrija tal-Unjoni, u l-partijiet interessati kollha f’dik l-investigazzjoni anti-dumping huma mistiedna jirreġistraw separatament għal din l-investigazzjoni u jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti skont il-modalitajiet u l-iskedi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika mingħajr ma titqies l-informazzjoni possibbilment ippreżentata fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping. L-informazzjoni jew il-kummenti ppreżentati fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping mhux se jitqiesu awtomatikament f’din l-investigazzjoni, u l-partijiet iridu jippreżentaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-informazzjoni kollha li tikkonċerna din l-investigazzjoni b’mod separat fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

5.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu se jkopri l-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rikorrenza tad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar

F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet issussidjati lejn l-Unjoni x’aktarx li jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

Għalhekk, il-produtturi kollha (7) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistednin jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’din ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-produtturi li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitluba li jersqu ’l quddiem u jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fis-sit: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R776_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTINGPRODUCER

L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (8).

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.

5.3.2.   L-importaturi mhux relatati suġġetti għall-investigazzjoni (9) (10)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistednin jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (11).

5.4.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà li jissokta jew jerġa’ jseħħ id-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (12).

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar u ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu, se tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (13). Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (14).

5.7.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.8.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.9.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittiva) (15). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għal spezzjoni minn partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Email:

Għal aspetti ta’ sussidju: TRADE-R776-CFP-SUBSIDY@ec.europa.eu

Għal aspetti ta’ dannu u interessi tal-Unjoni: TRADE-R775-R76-CFP-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u f’kull każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tat-tweġiba għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nonkooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jiġu revokati jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament bażiku.

Jekk kwalunkwe parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

13.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


(1)  ĠU C 398, 1.10.2021, p. 18.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1187 tat-3 ta’ Lulju 2017 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 134).

(4)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(5)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2616

(6)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(7)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

(8)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2617.

(9)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(10)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi determinat l-interess tal-Unjoni.

(11)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2617.

(12)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2617.

(13)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2617.

(14)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(15)  Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji (il-Ftehim dwar l-SCM). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

RIEŻAMI TA’ SKADENZA TAL-MIŻURI ANTI-SUSSIDJU APPLIKABBLI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTA KARTA FINA MIKSIJA LI TORIĠINA MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensittiva” u kemm il-verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Email:

 

Numru tat-telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

 

Volum f’tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

L-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (minn kullimkien)

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/130


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2022/C 248/10)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba tressqet fil-31 ta’ Marzu 2022 minn Arctic Paper Grycksbo AB, Burgo Group SpA, Fedrigoni SpA, Lecta Group u Sappi Europe SA (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). It-talba saret mill-industrija tal-Unjoni ta’ ċerta karta fina miksija fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott soġġett għal rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa karta fina miksija, li hija karta jew kartun miksija minn naħa waħda jew miż-żewġ naħat (minbarra karta kraft jew kartun kraft), f’folji jew rombli, u b’piż ta’ 70 g/m2 jew aktar iżda mhux aktar minn 400 g/m2 u luminożità ta’ aktar minn 84 (imkejla skont l-ISO 2470–1), (“il-prodott soġġett għal rieżami”).

Il-prodott soġġett għal rieżami ma jinkludix:

Rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed. Ir-rombli adattati għall-użu f’magni tal-istampar web-fed huma definiti bħala dawk ir-rombli li, jekk jiġu ttestjati skont l-istandard tat-test ISO, ISO 3783:2006, dwar id-determinazzjoni tar-reżistenza għat-tiċrit – il-metodu tal-veloċità aċċellerata li juża t-tester IGT (mudell elettriku), jagħtu riżultat ta’ inqas minn 30 N/m meta l-karta titkejjel b’mod trażversali (cross direction, CD) u riżultat ta’ inqas minn 50 N/m meta titkejjel fid-direzzjoni tal-magna (machine direction, MD).

Karta u kartun b’ħafna saffi.

Il-prodott soġġett għar-rieżami attwali jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4810 13 00, ex 4810 14 00, ex 4810 19 00, ex 4810 22 00, ex 4810 29 30, ex 4810 29 80, ex 4810 99 10 u ex 4810 99 80 (il-kodiċijiet TARIC 4810130020, 4810140020, 4810190020, 4810220020, 4810293020, 4810298020, 4810991020 u 4810998020). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss, mingħajr preġudizzju għall-emenda possibbli tagħhom f’passi futuri tal-proċediment.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazji definittivi ta’ anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1188 (3).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping mir-RPĊ

L-applikanti sostnew li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikanti bbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni fir-rapport mill-pajjiżi prodott mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ (4). B’mod partikolari, l-applikanti rreferew għal distorsjonijiet bħall- preżenza tal-istat b’mod ġenerali u aktar speċifiku li jaffettwaw is-settur kimiku u għall-kapitolu dwar l-enerġija. Barra minn hekk, l-applikanti ddependew fuq informazzjoni pubblika, partikolarment l-14-il Pjan ta’ Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Punti Ewlenin tal-Għanijiet fit-Tul għall-2035. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti bbażaw ruħhom ukoll fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’investigazzjonijiet riċenti fuq anti-dumping u antisussidji (5).

B’riżultat ta’ dan, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ rikorrenza ta’ dumping mill-PRC hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali, maħdum abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott soġġett għal rieżami meta jinbiegħ lill-Unjoni u għall-esportazzjoni lejn ir-Russja, l-Ukrajna, l-Indja, it-Tajlandja, il-Kanada, il-Ġappun, l-Indoneżja, il-Malażja u r-Renju Unit, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ volumi ta’ importazzjonijiet sinifikanti mill-PRC lejn l-Unjoni.

Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li hemm id-dumping, l-applikanti jallegaw li x’aktarx hemm rikorrenza ta’ dumping mill-RPĊ.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed provi skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (6).

4.2.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu

L-applikanti jallegaw probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu mill-pajjiż ikkonċernat. F’dan ir-rigward, l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità sostanzjali mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat. Dan huwa l-każ ukoll minħabba l-attraenza tas-suq tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ daqs.

L-applikanti jallegaw li t-tneħħija tad-dannu seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li żieda fl-importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, ġie determinat li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri hix probabbli li twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika (7) ppubblikata, dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għall-investigazzjoni antisussidji separata li tinsab għaddejja u li tkopri l-istess prodott (8). Il-produtturi esportaturi, l-industrija tal-Unjoni, u l-partijiet interessati kollha f’dik l-investigazzjoni kontra s-sussidji huma mistiedna jirreġistraw separatament għal din l-investigazzjoni u jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti skont il-modalitajiet u l-iskeda ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika mingħajr ma titqies l-informazzjoni possibbilment ippreżentata fil-kuntest tal-investigazzjoni antisussidji. L-informazzjoni jew kummenti ppreżentati fil-kuntest tal-informazzjoni antisussidji mhux se jitqiesu awtomatikament f’din l-investigazzjoni, u l-partijiet se jkollhom, bħala prinċipju, jippreżentaw l-informazzjoni kollha dwar din l-investigazzjoni separatament fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

5.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rikorrenza tad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9).

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping

F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott soġġett għal rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx li jkomplu jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

Għalhekk, il-produtturi kollha (10) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-produtturi li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R775_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu għall-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (11).

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.

5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-RPĊ li hija soġġetta għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-RPĊ skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv adegwat fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-fajl, sabiex iressqu l-kummenti.

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ f’dan il-każ hija l-Indoneżja. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv adegwat, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li għandhom data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, se tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu informazzjoni dwar il-materjali (primi u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott soġġett għal rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R775_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju għall-Gvern tar-RPĊ.

5.3.3.   L-importaturi mhux relatati suġġetti għall-investigazzjoni (12) (13)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistednin jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (14).

5.4.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà li jissokta jew jerġa’ jseħħ id-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti taż-żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq il-website tad-DĠ Kummerċ (15).

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (16). Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li jagħmlu disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (17).

5.7.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.8.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.9.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (18) (Sensittiva). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” (“Sensittiva”) huma mitlubin jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-spezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi t-talbiet biex il-partijiet interessati jiġu rreġistrati bħala tali kif ukoll il-prokuri u d-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat Ġ

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizz tal-Email:

Għal kwistjonijiet b’rabta mad-dumping: TRADE-R775-CFP-DUMPING@ec.europa.eu

Għall-kwistjonijiet ta’ dannu u interess tal-Unjoni:TRADE-R775-R776-CFP-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tat-tweġiba għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.(bl-Ingliż)

12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

13.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing- markets/trade-defence/.(bl-Ingliż)


(1)  ĠU C 398, 1.10.2021, p. 16.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1188 tat-3 ta’ Lulju 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 168).

(4)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal-1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu , ĠU L108, 6.4.2020, p.1 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/328 tal-24 ta’ Frar 2021 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 65, 25.2.2021, p. s1).

(6)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

(7)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29

(8)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2617.

(9)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(10)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi l-prodott soġġett għal rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott soġġett għal rieżami.

(11)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2616.

(12)  Għall-kampjunar jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

(14)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2616.

(15)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2616.

(16)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2616.

(17)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(18)  Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

RIEŻAMI TA’ SKADENZA TAL-MIŻURI ANTI-DUMPING APPLIKABBLI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTA KARTA FINA MIKSIJA LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni Sensitive (“Sensittiva”) u kemm il-verżjoni For inspection by interested parties (“Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”) intbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-Email:

 

Numru tat-telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

 

Volum f’tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

L-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (minn kullimkien)

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/142


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2022/C 248/11)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba tressqet fl-1 ta’ April 2022 miċ-CIRFS - European Manmade Fibres Association (“l-applikant”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-ħjut b’saħħithom ħafna tal-poliesteri fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami huwa limitat fl-ambitu tiegħu għall-investigazzjoni ta’ dumping.

Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.4 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-file mill-partijiet interessati.

2.   Prodott taħt rieżami

Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa ħajt b’saħħtu ħafna tal-poliesteri mhux ippreżentat għall-bejgħ bl-imnut, inkluż monofilament ta’ inqas minn 67 decitex, (eskluż ħajt tal-ħjata u ħajt multiplu mibrum (mitwi) “Z” jew ħajt bil-kejbil, maħsub għall-produzzjoni ta’ ħajt tal-ħjata, lest għaż-żebgħa u biex jirċievi trattament ta’ tlestija, imdawwar b’mod laxk fuq tubu mtaqqab tal-plastik) (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa’ taħt il-Kodiċi NM ex 5402 20 00 (kodiċi TARIC 5402200010). Il-kodiċi NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tat-tariffi.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazji anti-dumping definittivi imposti bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2017/325 (“l-investigazzjoni oriġinali”), (2) kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1159 (3).

Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ħjut b’saħħithom ħafna tal-poliesteri, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (4). Sakemm titlesta l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, il-miżuri jibqgħu fis-seħħ.

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija bbażata fuq evidenza suffiċjenti pprovduta mill-applikant li, sa fejn għandu x’jaqsam id-dumping, iċ-ċirkostanzi li fuqhom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema.

Dawn il-bidliet huma relatati mal-istruttura tal-produtturi Ċiniżi, iż-żieda fil-kapaċità tal-prodott taħt rieżami fiċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), u l-kapaċità żejda massiva li tirriżulta u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-RPĊ.

F’konformità mal-għanijiet stabbiliti mill-gvern Ċiniż għall-industrija domestika tal-fibra kimika fil-pjanijiet tiegħu ta’ ħames snin, seħħew żviluppi kbar fir-RPĊ mill-investigazzjoni oriġinali, li ttrasformaw l-industrija Ċiniża tal-prodott taħt rieżami. Mill-investigazzjoni oriġinali, il-produtturi Ċiniżi soġġetti għall-miżuri investew f’teknoloġiji ġodda, fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-iżvilupp tal-prodott. Investew ukoll fil-produzzjoni tal-aċidu tereftaliku purifikat (“PTA”), li huwa l-materja prima ewlenija għall-manifattura tal-prodott taħt rieżami. Għalhekk, il-produtturi Ċiniżi saru indipendenti mill-importazzjonijiet tal-PTA u ttrasformati fi produtturi integrati. Minħabba dawn l-investimenti kbar, il-produtturi Ċiniżi tal-prodott taħt rieżami soġġetti għall-miżuri, aktar milli ttripplaw il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom mill-investigazzjoni oriġinali ‘l hawn.

Il-konsum domestiku Ċiniż u globali ma żdiedx f’konformità maż-żieda fil-kapaċità Ċiniża, li kkawża tnaqqis fil-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż.

Għalhekk, l-applikant isostni li l-miżuri eżistenti ma għadhomx biżżejjed biex jibbilanċjaw id-dumping.

L-applikant iddikjara li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ biex jiġi determinat il-valur normali u jiġu kkalkulati mill-ġdid il-mmarġnijiet tad-dumping, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant qagħad fuq l-informazzjoni fir-rapport tal-pajjiż tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fil-pajjiż kkonċernat (5).

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li jeżistu biżżejjed provi, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (6).

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali limitat għall-eżami tad-dumping, il-Kummissjoni b’dan qed tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-għan tar-rieżami huwa li tiġi stabbilita r-rata ta’ dumping għall-produtturi esportaturi.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika ppubblikata (7), dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u kontra s-sussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

L-investigazzjoni tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami”).

5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8).

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni dwar il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami interim, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R771_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.4 u 5.7 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu għall-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk ġewx inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportatur fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2612.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw.

5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba, jipproponu pajjiż(i) rappreżentattiv(i) xieraq/xierqa u jipprovdu l-identità tal-produtturi esportaturi tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit ta’ żmien wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-file tal-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv adegwat fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha din in-nota tiżdied fil-file, sabiex iressqu l-kummenti.

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għall-pajjiż ikkonċernat, f’dan il-każ, huwa t-Turkija. Bl-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż ikkonċernat, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li fihom hemm data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, se tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat biex jipprovdu informazzjoni dwar il-materjali (primi u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott soġġett għar-rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R771_INFO_ON_INPUTS_FOR_EXPORTING_PRODUCER_FORM . L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.4 u 5.7 ta’ hawn taħt.

Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju għall-gvern tal-pajjiż ikkonċernat.

5.3.3.   L-importaturi mhux relatati suġġetti għall-investigazzjoni (9) (10)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet/wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami interim, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati tinsab fil-file għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2612

5.4.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż/i kkonċernati, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex ikollok aċċess (11).

5.5.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.6.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-file. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.7.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittiva) (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” (“Sensittiva”) huma mitlubin jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-spezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON. tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Email: TRADE-R771-HTYP@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tat-tweġiba għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 tal-24 ta’ Frar 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 6).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1159 tad-29 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 fir-rigward tad-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott tal-miżuri antidumping attwali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ħjut b’saħħithom ħafna (high tenacity) ta’ poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jipprevedi, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà ta’ ħlas lura jew remissjoni tad-dazji (ĠU L 167, 30.6.2017, p. 31).

(4)  ĠU C 87, 23.2.2022, p. 2.

(5)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf

(6)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba motivata kif xieraq.

(7)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C86, 16.3.2020, p. 6).

(8)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(9)  Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(10)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

(11)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(12)  Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĦJUT B’SAĦĦITHOM ĦAFNA TAL-POLIESTERI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Email:

 

Numru tat-telefon

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

 

Volum f’tunnellati

Valur f’ewro (EUR)

Il-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

L-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (minn kullimkien)

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

 

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/152


Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P

(2022/C 248/12)

1.   Sentenzi

Fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ April 2020 (1) fil-Kawża T-383/17 Hansol Paper vs il-Kummissjoni (“is-sentenza”), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”) annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (“ir-regolament inkwistjoni”) (2) sa fejn dan kien jikkonċerna l-Grupp Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd.) (“Hansol”).

Hansol ikkontestat il-legalità tar-regolament inkwistjoni għal għadd ta’ raġunijiet. F’wieħed mill-motivi tagħha, Hansol ikkontestat il-kostruzzjoni ta’ ċerti valuri normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. F’motiv ieħor, Hansol argumentat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ fl-Unjoni Ewropea lil klijenti indipendenti meta mqabbel mal-bejgħ lil proċessuri relatati. Hansol sostniet li dan l-iżball ta’ kalkolu allegat ħoloq distorsjoni fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping kif ukoll, fost l-oħrajn, il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz.

Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (3) (“ir-Regolament bażiku”) meta ddeterminat li tibni valur normali skont l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament għal tip ta’ prodott mibjugħ minn Hansol Artone Paper Co. Ltd., filwaqt li l-istess tip ta’ prodott kellu bejgħ domestiku rappreżentattiv minn Hansol Paper Co. Ltd. Il-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-allegat żball ta’ teħid inkunsiderazzjoni kien stabbilit u li l-Kummissjoni kellha tqis il-kwantitajiet mibjugħa minn Schades Nordic, wieħed mill-proċessuri relatati tal-Grupp Hansol fl-Unjoni, lil klijenti indipendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku peress li l-kalkoli li saru mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu l-firxa sħiħa tad-dumping ipprattikat minn Hansol. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-iżball ta’ teħid ta’ inkunsiderazzjoni affettwa wkoll il-kalkolu tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz, peress li l-Kummissjoni kienet użat l-istess kunsiderazzjoni għal dan il-kalkolu. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni analoga tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, meta naqset il-kostijiet SG&A u marġni ta’ profitt, għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat mill-entità tal-bejgħ relatata fl-UE bl-għan li tistabbilixxi l-prezz tal-esportazzjoni ta’ dak il-prodott fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu.

Fit-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali billi ppreżentat appell (Kawża C-260/20 P). Fit-12 ta’ Mejju 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell u kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali (4). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li f’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li sabet il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma wettqitx żball fl-applikazzjoni analoga tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. B’riżultat ta’ dan, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 kien annullat sa fejn jikkonċerna lil Hansol.

2.   Konsegwenzi

L-Artikolu 266 tat-TFUE jistipula li l-istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qrati. Fil-każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-Istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħal investigazzjonijiet anti-dumping, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti tikkonsisti f’sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid li jelimina l-illegalità identifikata mill-Qorti (5).

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ tissokta fil-punt eżatt li fih saret l-illegalità (6). Dan jimplika b’mod partikolari li, f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-ftuħ tal-proċedura anti-dumping. F’sitwazzjoni fejn, pereżempju, regolament li jimponi miżuri anti-dumping definittivi jiġi annullat, dan ifisser li wara l-annullament, il-proċediment anti-dumping ikun għadu miftuħ, minħabba li l-att li jikkonkludi l-proċediment anti-dumping ikun għeb mill-ordni legali tal-Unjoni (7), ħlief jekk l-illegalità tkun saret fl-istadju tal-bidu.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament inkwistjoni għall-ewwel tliet raġunijiet imsemmija fit-tielet paragrafu tat-Taqsima 1.

Il-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet li fadal fir-regolament inkwistjoni li ma ġewx ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali jibqgħu validi u ma humiex affettwati minn dan il-ftuħ mill-ġdid.

3.   Proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni, sa fejn dan jikkonċerna lil Hansol. Il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali jerġa’ jibda fil-punt fejn seħħet l-irregolarità.

L-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali huwa li jiġu indirizzati b’mod sħiħ l-iżbalji identifikati mill-Qorti Ġenerali, u kkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li jiġi vvalutat jekk l-applikazzjoni tar-regoli kif ġiet iċċarata mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja tistax tiġġustifika l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri fil-livell oriġinali jew f’livell rivedut mid-data li fiha r-regolament inkwistjoni daħal fis-seħħ oriġinarjament jew le.

Il-partijiet interessati huma b’dan infurmati li responsabbiltà futura tista’ tirriżulta mill-konstatazzjonijiet ta’ dan ir-rieżami.

4.   Sottomissjonijiet bil-miktub

Il-partijiet interessati kollha, u b’mod partikolari Hansol, huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom, jissottomettu tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ appoġġ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.   Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkunu jirrigwardaw mal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet interessati.

6.   Struzzjonijiet għall-preżentazzjonijiet bil-miktub u biex tintbagħat il-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (8) (Sensittivi). Il-partijiet li jippreżentaw l-informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji għandhom ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ)” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Directorate General for Trade

Direttorat Ġ

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Indirizz Elettroniku: TRADE-AD629a-LWTP-REOPENING@ec.europa.eu

7.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati jkunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost żejjed mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

8.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-file, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għal din it-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ għandhom isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ ikun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Seduta se jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet għal intervent, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis b’mod xieraq l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż)

9.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence

10.   Informazzjoni lill-awtoritajiet doganali

Mill-1 ta’ Lulju 2022, u sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ dan ir-rieżami, ir-responsabbiltà tad-dazju anti-dumping finali fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew inqas; f’rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b’kisja ta’ taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b’sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u prodotti mill-Grupp Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd) huma sospiżi.

Billi l-ammont tar-responsabbiltà finali li jirriżulta mir-rieżami mhuwiex ċert f’dan l-istadju, il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali biex jistennew l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni qabel jiddeċiedu dwar xi pretensjoni ta’ rimborż dwar id-dazju anti-dumping annullati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Hansol Group (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd).

Konsegwentement, id-dazju anti-dumping imħallas skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea u prodotta mill-Grupp Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd) ma għandux jitħallas lura jew jiġi rimess qabel l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni.

11.   Divulgazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li ġew irreġistrati bħala tali matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament inkwistjoni se jiġu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta s-sentenza ta’ hawn fuq fi żmien xieraq u jingħataw opportunità li jippreżentaw il-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni finali.


(1)  ECLI:UE:T:2020:139.

(2)  ĠU L114, 3.5.2017, p. 3.

(3)  ĠU L176, 30.6.2016, p. 21.

(4)  ECLI:UE:C:2022:370.

(5)  Il-Kawżi Magħquda 97, 193, 99 u 215/86 Asteris AE u oħrajn u r-Repubblika Ellenika vs il-Kummissjoni [1988] Ġabra 2181, il-paragrafi 27 u 28; u l-Kawża T-440/20 Jindal Saw vs il-Kummissjoni Ewropea, EU:T:2022:318.

(6)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, il-paragrafu 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs Il-Kunsill [2000] I-8147, il-paragrafi 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs il-Kummissjoni [2008] II-1753, il-paragrafi 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Région Nord-Pas de Calais vs il-Kummissjoni [2011] II-0000, il-paragrafu 83.

(7)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, il-paragrafu 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs Il-Kunsill [2000] I-8147, il-paragrafi 80 sa 85.

(8)  Dokument “Sensitive” (Sensittiv) huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/156


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10778 – TA ASSOCIATES / CLEARLAKE / KOFAX)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 248/13)

1.   

Fit-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

TA Associates Management L.P. (“TA Associates”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Clearlake Capital Group, L.P. (“Clearlake”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Kofax Parent Limited (“Kofax” jew “il-Kumpaanija fil-Mira”, l-Istati Uniti tal-Amerka) li finalment hija kkontrollata minn Thoma Bravo, L.P. (l-Istati Uniti tal-Amerka).

TAAssociates u Clearlake jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Kofax.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

TA Associates: ditta ta’ ekwità privata, attiva fis-servizzi tan-negozju, il-konsumatur, is-servizzi finanzjarji, il-kura tas-saħħa u t-teknoloġiji;

Clearlake: ditta ta’ investiment privat, attiva fis-software u s-servizzi abilitati mit-teknoloġija, l-enerġija u l-industrijali, l-ikel u l-prodotti għall-konsumatur;

Kofax: fornitur ta’ software ta’ awtomatizzazzjoni intelliġenti għat-trasformazzjoni diġitali tal-fluss tax-xogħol biex jiġu awtomatizzati u mtejba l-flussi tax-xogħol tan-negozju billi jiġi ssimplifikat it-trattament tad-data u tad-dokumenti.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10778 – TA ASSOCIATES / CLEARLAKE / KOFAX

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.