ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 243

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
27 ta' Ġunju 2022


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il–Kunsill

2022/C 243/01

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli ( 1 )

1

2022/C 243/02

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

10

2022/C 243/03

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment

26

2022/C 243/04

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika

35


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 243/05

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10251 — INVIVO GROUP / ETABLISSEMENTS J SOUFFLET) ( 1 )

52


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 243/06

Rata tal-kambju tal-euro — L-24 ta’ Ġunju 2022

53

2022/C 243/07

Sommarju ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali minn 24 Gunju 2022 sa 24 Gunju 2022 (Ippubblikat skont l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

54


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 243/08

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10764 – SAGARD / BPIFRANCE / ADIT JV) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

55

2022/C 243/09

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10785 – ICG / KONECTA / COMDATA) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

57

2022/C 243/10

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10749 — PAI PARTNERS / THE CARLYLE GROUP / THERAMEX) ( 1 )

59

2022/C 243/11

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10758 – EIM / BROOKFIELD / NIELSEN) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

61


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il–Kunsill

27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2022

dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli

(2022/C 243/01)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.

Madwar l-Unjoni, minkejja li ħafna Stati Membri għamlu progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi tal-apprendiment biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u jippromwovu l-apprendiment favur l-iżvilupp sostenibbli, hemm bżonn li jitkomplew u jiżdiedu l-isforzi f’dak ir-rigward. Il-politika u l-prattika għal dan it-tip ta’ apprendiment jenħtieġ li jiġu stimulati u appoġġati aktar. Huwa neċessarju li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa għal apprendiment interkonness fil-pilastri ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li ssir enfasi speċifika fuq il-pilastru ambjentali.

2.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1), l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (2), l-istrateġija tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 u l-ħidma relatata tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) (3) jenfasizzaw ir-rwol ewlieni tal-iskejjel, l-edukazzjoni għolja u istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jinvolvu ruħhom mal-istudenti, il-ġenituri, l-edukaturi (4) u l-komunità usa’ fir-rigward tal-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni ekoloġika ta’ suċċess, ġusta u inklużiva. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar ’’Il-Bijodiversità - il-ħtieġa għal azzjoni urġenti’’ (5), il-Kunsill enfasizza li l-investiment fl-edukazzjoni, fost oqsma oħra, huwa kruċjali fil-ġbir tal-aħjar data u fis-sejbien tal-aħjar soluzzjonijiet f’dan ir-rigward. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tidentifika Ewropa ekoloġika sostenibbli bħala għan u tappella biex iż-żgħażagħ kollha jkunu ambjentalment attivi u edukati.

3.

L-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli jappoġġa l-istudenti ta’ kull età biex jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex jgħixu b’mod aktar sostenibbli, jibdlu x-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni, iħaddnu stili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa u jikkontribwixxu – kemm b’mod individwali kif ukoll b’mod kollettiv – għal ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli. Huwa jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi dejjem aktar meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Huwa jippromwovi l-fehim tal-isfidi globali interkonnessi li qed niffaċċjaw, inkluż il-kriżi klimatika, id-degradazzjoni ambjentali u t-telf tal-bijodiversità, li kollha għandhom dimensjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi u kulturali.

4.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b’mod partikolari l-Mira 4.7, jappellaw biex sal-2030, l-istudenti kollha jkunu kisbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, inkluż, fost l-oħrajn, permezz tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u stili ta’ ħajja sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ paċi u ta’ nonvjolenza, iċ-ċittadinanza globali u l-apprezzament tad-diversità kulturali u tal-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli (6).

5.

Il-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (7), il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (8), il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (9) u l-Komunikazzjoni dwar ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (10) jappellaw biex il-politiki u l-investimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu mmirati lejn tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali inklużivi għar-reżiljenza u l-prosperità fil-futur.

6.

Il-kompetenzi ewlenin, kif definiti fil-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (11), għandhom l-għan li jappoġġaw lin-nies madwar l-Ewropa biex jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, l-impjegabbiltà, l-inklużjoni soċjali, stil ta’ ħajja sostenibbli, ħajja ta’ suċċess f’soċjetajiet paċifiċi, ġestjoni tal-ħajja konxja mis-saħħa u ċ-ċittadinanza attiva fi żmien ta’ bidla rapida u profonda.

7.

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (12) ħabbret l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ sett ta’ ħiliet ewlenin u ekoloġiċi għas-suq tax-xogħol bil-ħsieb li tinħoloq ġenerazzjoni ta’ professjonisti li jaħsbu fl-ambjent u ta’ operaturi ekonomiċi ekoloġiċi, li tintegra l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u klimatiċi fl-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fir-riċerka. L-Ewropa teħtieġ professjonisti kompetenti ħafna biex issostni t-tranżizzjoni ekoloġika u biex tkun fil-pożizzjoni ewlenija dinjija fit-teknoloġiji sostenibbli.

8.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (13) u d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück jirrikonoxxu s-settur tal-VET bħala kruċjali għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi.

9.

Il-Patt Klimatiku Ewropew jistieden lill-individwi, lill-komunitajiet u lill-organizzazzjonijiet jipparteċipaw fl-azzjoni klimatika u fil-bini ta’ Ewropa aktar ekoloġika billi joffru opportunitajiet ta’ apprendiment dwar it-tibdil fil-klima, jiżviluppaw u jimplimentaw is-soluzzjonijiet, u jiltaqgħu ma’ nies oħrajn biex jimmultiplikaw l-impatt ta’ dawk is-soluzzjonijiet. Il-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima għandha l-għan li toħloq komunità mmexxija minn studenti u għalliema, flimkien mal-iskejjel u n-networks tagħhom u atturi edukattivi oħra, biex titgħallem minn kemm jista’ jkun esperjenzi rilevanti, u tnaqqas il-frammentazzjoni bejn is-setturi, id-dominji u n-nies tal-edukazzjoni.

10.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (14) jipprovdi viżjoni għal edukazzjoni u taħriġ diġitali Ewropej ta’ kwalità għolja, inklużivi u aċċessibbli u jissottolinja l-importanza tat-teknoloġiji diġitali bħala faċilitaturi abilitanti b’saħħithom għat-tranżizzjoni ekoloġika filwaqt li, fl-istess ħin, jiffaċilita bidla lejn imġiba sostenibbli kemm fl-iżvilupp ta’ prodotti diġitali kif ukoll fl-użu tagħhom.

11.

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ġġib dimensjoni kulturali u kreattiva fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, bil-għan li jintwera kif l-innovazzjoni sostenibbli toffri bidliet tanġibbli u pożittivi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, inkluż fil-binjiet tal-iskejjel u f’ambjenti oħrajn ta’ apprendiment.

12.

L-UNESCO, permezz tal-programm tagħha ta’ Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli, qed taħdem biex l-edukazzjoni u t-taħriġ isiru parti aktar ċentrali u viżibbli tar-rispons internazzjonali għall-kriżi klimatika u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha, b’mod partikolari l-Mira 4.7 dwar l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. Skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Ftehim ta’ Pariġi, il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jippromwovu u jikkooperaw dwar it-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet kollha, b’mod partikolari fl-edukazzjoni, it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni.

13.

Hemm sensibilizzazzjoni u xewqa dejjem jikbru fost iż-żgħażagħ biex ikunu involuti fi kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, partikolarment fi kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi. Ir-riżultati ta’ Ewrobarometru maħruġ f’Mejju 2022 jindikaw li ż-żgħażagħ fl-UE jikkunsidraw li ’’l-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima’’ hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin li fuqha jenħtieġ li tiffoka s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022). Id-data tal-OECD (15) mill-2018 diġà turi li dawk li għandhom 15-il sena huma sensibbli ħafna għat-tibdil fil-klima u l-kriżi ambjentali u l-ħtieġa li din tiġi indirizzata. Madankollu, l-istess data tal-OECD turi li hemm ħafna inqas studenti li jħossu sens ta’ kontroll fuq l-azzjonijiet u l-konsegwenzi tagħhom biex jagħmlu differenza reali. Il-limitu tal-kriżi klimatika u ambjentali jista’ jwassal biex l-istudenti jħossuhom megħluba u bla setgħa, li jista’ jiġi aggravat minn informazzjoni mhux preċiża u mid-diżinformazzjoni.

14.

Huwa ta’ importanza kbira li s-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jirrispondu għall-għajta dejjem tikber taż-żgħażagħ dwar il-kriżi klimatiku u dak tal-bijodiversità u li jinvolvu liż-żgħażagħ fit-tfassil ta’ soluzzjonijiet relatati mat-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u fit-teħid ta’ azzjoni għal futur sostenibbli. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 għandha rwol importanti x’taqdi biex tkompli tistimula l-involviment taż-żgħażagħ.

15.

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat ir-rabtiet mill-qrib tagħna man-natura u mill-ġdid poġġiet l-enfasi fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Ittieħdu tagħlimiet dwar possibbiltajiet ġodda għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż approċċi ta’ apprendiment imħallat f’ambjenti diversi (inkluż online), l-involviment u l-awtonomija tal-istudenti u r-rabtiet bejn l-edukazzjoni formali u l-komunità usa’. Il-pandemija żiedet ukoll it-tħassib li ilu jeżisti dwar il-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-adulti.

16.

Iċ-ċentri individwali tal-edukazzjoni u tal-indukrar bikri tat-tfal, l-iskejjel, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-fornituri tal-VET u l-komunitajiet lokali qed isiru dejjem aktar attivi fir-rigward tal-kriżi klimatika u dik tal-bijodiversità. Madankollu, is-sostenibbiltà għadha mhijiex karatteristika sistemika tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-UE.

17.

F’ħafna pajjiżi, l-apprendiment għas-sostenibbiltà u kunċetti ugwalment vijabbli, bħall-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza globali, ġew adottati fil-politiki, l-istrateġiji u l-kurrikuli. Madankollu, l-edukaturi jeħtieġu appoġġ, għarfien espert u opportunitajiet tat-taħriġ aktar immirat biex jinkorporaw il-prinċipji tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fil-prattiki tat-tagħlim u tat-taħriġ tagħhom. Ta’ spiss iħossuhom li mhumiex mgħammra biżżejjed biex jittrattaw l-ansjetà ekoloġika u l-pessimiżmu ekoloġiku u biex jgħinu lill-istudenti jimpenjaw ruħhom fi kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali b’mod pożittiv.

18.

L-approċċi lejn is-sostenibbiltà li jinvolvu l-istituzzjoni sħiħa li jinkorporaw l-oqsma kollha ta’ attività mhumiex dejjem preżenti biżżejjed. Tali approċċi jistgħu jinkludu t-tagħlim u l-apprendiment; il-governanza; ir-riċerka u l-innovazzjoni; u l-infrastruttura, il-faċilitajiet u l-operazzjonijiet, u jenħtieġ li jinvolvu lill-istudenti, lill-persunal, lill-ġenituri, u lill-komunitajiet lokali u usa’.

19.

Jeħtieġ li jiġu esplorati aktar il-potenzjal u l-opportunità li jiġu kkumplementati u msaħħa aġendi oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ. It-tagħlim u l-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli jistgħu jappoġġaw bis-sħiħ il-politiki u l-programmi għas-saħħa, il-benesseri u l-inklużjoni; iċ-ċittadinanza attiva u globali; is-solidarjetà; it-tagħlim iċċentrat fuq l-istudenti; ir-riċerka u l-innovazzjoni; u t-trasformazzjoni diġitali, inkluż l-intelliġenza artifiċjali (16).

20.

L-integrazzjoni b’mod sistematiku tad-dimensjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’politiki oħra relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli f’perspettiva tul il-ħajja tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki. Tista’ wkoll tgħaqqad setturi differenti tas-soċjetà u tal-ekonomija u tinkorpora b’mod effettiv is-sostenibbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

21.

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Hija tirrikonoxxi li l-livell ta’ awtonomija li jgawdu minnu l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ ivarja ħafna madwar l-Istati Membri. F’xi Stati Membri, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ tal-għalliema, kif ukoll l-għalliema u l-ħarrieġa, igawdu minn livell għoli ta’ awtonomija. Ir-Rakkomandazzjoni ser tiġi implimentata skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI, b’rispett sħiħ għall-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, u filwaqt li jirrikonoxxu gradi differenti ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali,

1.

Iżidu u jsaħħu l-isforzi biex jappoġġaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fit-teħid ta’ azzjoni favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli sabiex l-istudenti ta’ kull età u minn kull sfond ikunu jistgħu jaċċessaw edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja, ekwu u inklużivi dwar is-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-bijodiversità, bit-tħassib debitu għall-konsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

2.

Jistabbilixxu l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli bħala wieħed mill-oqsma ta’ prijorità fil-politiki u l-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jappoġġaw u jabilitaw lis-settur jikkontribwixxi għal futur sostenibbli, inkorporat f’fehim olistiku tal-edukazzjoni. Jimplimentaw u jiżviluppaw aktar approċċi komprensivi u kollaborattivi għat-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli li jinvolvu l-partijiet rilevanti kollha fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u partijiet ikkonċernati minn setturi rilevanti oħra.

3.

Jipprovdu firxa ta’ opportunitajiet tal-apprendiment f’kuntesti formali, mhux formali u informali, sabiex individwi ta’ kull età jkunu jistgħu jħejju u jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tranżizzjoni ekoloġika u jaġixxu favur ekonomija li tkun ambjentalment korretta, sostenibbli, ċirkolari u newtrali għall-klima u soċjetajiet ġusti, inklużivi u paċifiċi.

4.

Jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin fil-livell ta’ sistema:

a)

Jallinjaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, l-istrateġiji u l-pjanijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, inkluż dawk relatati mal-kurrikuli u l-valutazzjoni u t-taħriġ inizjali tal-edukaturi u l-iżvilupp professjonali kontinwu. Jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u politiki nazzjonali u oħrajn, inkluż dwar kunċetti relatati bħall-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, permezz ta’ mekkaniżmi għal segwitu u monitoraġġ.

b)

Jinvestu, fejn xieraq, f’tagħmir, f’riżorsi u f’infrastruttura ekoloġiċi u sostenibbli (bini, ġonna u teknoloġija) u jipprovdu t-taħriġ fihom, għall-apprendiment, għas-soċjalizzazzjoni u għar-rikreazzjoni biex jiżguraw ambjenti ta’ apprendiment tajbin għas-saħħa, siguri, inklużivi, kreattivi u reżiljenti.

c)

Iqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, u jappoġġaw l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni formali u mhux formali u tat-taħriġ, inkluż l-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, biex jagħmlu t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum tal-istudenti tagħhom u jrawmu kultura ta’ sostenibbiltà.

d)

Jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet tal-istudenti ta’ kull età biex jgħixu b’mod aktar sostenibbli, jippromwovu xejriet sostenibbli tal-konsum u l-produzzjoni, jadottaw stili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa u aktar konxji mill-ambjent u jikkontribwixxu b’mod individwali u b’mod kollettiv għat-trasformazzjoni tas-soċjetajiet tagħna.

e)

Jappoġġaw u jtejbu t-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli billi jipprovdu infrastruttura, għodod u riżorsi diġitali, u jappoġġaw il-kompetenzi diġitali tal-edukaturi.

f)

Jinvolvu, b’mod sinifikanti u b’mod ikkoordinat, lill-istudenti kollha biex jipproponu u joħolqu flimkien approċċi dwar kif jitgħallmu, fejn jitgħallmu u x’jitgħallmu dwar it-tranżazzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, u għalihom. Iħeġġu parteċipazzjoni bbilanċjata bejn il-ġeneri ta’ studenti minn kull sfond, inkluż dawk b’inqas opportunitajiet. Jagħtu s-setgħa lill-istudenti kollha biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jinvolvu ruħhom fihom, fil-livell tal-istituzzjoni tagħhom kif ukoll fil-komunitajiet lokali u usa’ tagħhom.

g)

Jiżviluppaw u jappoġġaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, programmi u oqfsa tal-kurrikulu, li jippermettu ż-żmien u l-ispazju għall-istudenti biex jiżviluppaw kompetenzi ta’ sostenibbiltà (17) minn età bikrija. L-apprendiment interġenerazzjonali u l-eżempji, il-problemi u r-risponsi lokali jistgħu jagħmlu l-kurrikuli aktar rilevanti għall-istudenti, filwaqt li juru li t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, il-protezzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà huma lokali u azzjonabbli.

h)

Jappoġġaw il-kooperazzjoni u n-networking dwar is-sostenibbiltà, il-protezzjoni ambjentali u l-bijodiversità, li jinvolvu pereżempju l-awtoritajiet lokali, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, iċ-ċentri tal-edukazzjoni u t-taħriġ ambjentali, iċ-ċentri tal-apprendiment globali, il-foresti, il-parks, l-irziezet, il-mużewijiet, il-libreriji, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, ir-riċerka, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u n-negozji, u b’hekk isaħħu r-rabtiet bejn l-apprendiment formali, mhux formali u informali.

i)

Jappoġġaw iż-żieda tal-prattiki tajbin u r-riċerka pedagoġika dwar it-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

5.

Ikomplu jappoġġaw lill-istudenti billi jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin:

a)

Jipprovdu lill-istudenti, minn meta jkunu fl-iskola preprimarja, l-opportunitajiet biex jifhmu u jimpenjaw ruħhom favur id-dinja naturali u l-bijodiversità tagħha u japprezzawhom, joħolqu sens ta’ kurżità u ta’ meravilja u jitgħallmu jaġixxu favur is-sostenibbiltà, b’mod individwali u b’mod kollettiv.

b)

Isaħħu, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju f’konformità mal-iskemi ta’ appoġġ finanzjarju nazzjonali, apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità għolja għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, inkluż traineeships, apprendistati, il-volontarjat, attivitajiet ekstrakurrikulari, attivitajiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u forom oħra ta’ apprendiment formali, mhux formali u informali u r-rabtiet bejniethom. Jistimulaw u jirrikonoxxu azzjonijiet u programmi ta’ involviment ċiviku f’dak ir-rigward.

c)

Jiffaċilitaw metodi u approċċi ta’ apprendiment li huma kollaborattivi, esperimentali, orjentati lejn il-prattika u rilevanti għall-kuntesti u t-tradizzjonijiet lokali u li jappoġġaw attivitajiet interdixxiplinari u transkurrikulari. Dan jinkludi l-għoti ta’ opportunitajiet prattiċi lill-istudenti biex josservaw u jieħdu ħsieb in-natura, u biex inaqqsu l-użu, isewwu, jużaw mill-ġdid u jirriċiklaw l-oġġetti, u b’hekk jgħinuhom jifhmu l-importanza ta’ stili ta’ ħajja sostenibbli u tal-ekonomija ċirkolari.

d)

Jipprovdu informazzjoni bbażata fuq il-fatti u aċċessibbli dwar il-kriżi klimatika, ambjentali u dik tal-bijodiversità u l-ixprunaturi tagħhom, kif miftiehem skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus (18).

e)

Jiżviluppaw ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi u ta’ kollaborazzjoni; irawmu l-ħsieb kritiku, il-ħiliet tal-litteriżmu medjatiku u r-riflessjoni dwar is-sistemi; u jappoġġaw azzjoni pożittiva, inkluż il-volontarjat, biex jikkonfrontaw u jnaqqsu l-biża’ u n-nuqqas ta’ emanċipazzjoni li l-istudenti jistgħu jesperjenzaw quddiem il-kriżijiet planetarji.

6.

Jappoġġaw lill-edukaturi jiffaċilitaw l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà ambjentali billi jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin:

a)

Jirrikonoxxu li l-edukaturi kollha, tkun xi tkun id-dixxiplina jew is-settur tal-edukazzjoni tagħhom, huma edukaturi tas-sostenibbiltà li jeħtieġ li jappoġġaw lill-istudenti tagħhom fit-tħejjija għat-tranżizzjoni ekoloġika. Jabilitawhom iżidu l-għarfien tal-istudenti tagħhom dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jinkludu, jikkonsultaw u jinvolvu lill-edukaturi fl-iżvilupp ta’ kurrikuli u programmi, u f’riformi edukattivi oħra relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà ambjentali, u fit-tfassil ta’ żvilupp professjonali xieraq.

b)

Jappoġġaw l-integrazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fi programmi inizjali tat-taħriġ tal-għalliema u l-ħarrieġa; fil-programmi ta’ żvilupp professjonali kontinwu; u fl-istandards u l-oqfsa professjonali tal-għalliema sabiex jappoġġaw l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-edukaturi fir-rigward tas-sostenibbiltà.

c)

Jappoġġaw skemi ta’ mentoraġġ u programmi ta’ żvilupp professjonali fil-livell tal-istituzzjonijiet. Jappoġġaw lill-edukaturi fl-użu ta’ għodod u teknoloġiji diġitali fil-prattika tagħhom biex itejbu t-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli.

d)

Ikomplu joħolqu u jesploraw opportunitajiet u inċentivi biex l-edukaturi jieħdu sehem fil-programmi ta’ żvilupp professjonali relatati mas-sostenibbiltà, pereżempju billi jqisuhom fil-progressjoni u fl-iżvilupp tal-karriera, u joħolqu rwoli għall-edukaturi bħal koordinatur tas-sostenibbiltà.

e)

Jappoġġaw lill-edukaturi, inkluż billi jagħtuhom iż-żmien u l-ispazju meħtieġa, fl-adozzjoni ta’ pedagoġiji li jtejbu t-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà ambjentali b’modi interdixxiplinari u jiżviluppaw l-aspetti soċjoemozzjonali tal-apprendiment, sabiex l-istudenti kollha jkunu jistgħu jsiru aġenti tal-bidla u jitgħallmu jirriflettu u jieħdu azzjoni, kemm b’mod individwali kif ukoll b’mod kollettiv, lokalment u globalment, favur dinja aktar sostenibbli.

f)

Iħeġġu u jabilitaw, fejn xieraq, tagħlim u apprendiment trasformattivi u interdixxiplinarji bl-użu ta’ approċċi tal-apprendiment kemm tradizzjonali kif ukoll innovattivi, inkluż l-apprendiment prattiku, l-approċċ STEAM (19), il-hackathons, is-servizz tat-tagħlim u l-ludifikazzjoni.

g)

Jiżviluppaw u jagħmlu disponibbli r-riżorsi biex jappoġġaw lill-edukaturi, inkluż rigward il-valutazzjoni. Jappoġġaw lill-edukaturi fl-użu ta’ għodod u materjali tradizzjonali u ġodda għat-tagħlim u t-taħriġ favur it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà ambjentali f’firxa ta’ kuntesti fuq ġewwa u fuq barra, diġitali u mhux diġitali. Jipprovdu aċċess għal ċentri ta’ għarfien espert, inkluż ċentri għall-edukazzjoni u t-taħriġ ambjentali.

h)

Iħeġġu lill-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni tinvolvi ruħha ma’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali, mhux formali u informali biex jappoġġaw lill-edukaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà ambjentali. Jappoġġaw il-parteċipazzjoni fil-proġetti u r-riċerka esploratorji relatati mal-emerġenza klimatika, il-kriżi ambjentali u s-sostenibbiltà.

7.

Ikomplu jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali biex jintegraw b’mod effettiv, fejn xieraq, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fl-attivitajiet u l-operazzjonijiet kollha tagħhom, billi jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin:

a)

Jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw approċċi effettivi ta’ istituzzjonijiet sħiħa għas-sostenibbiltà li jinkludu t-tagħlim u l-apprendiment; il-viżjoni, l-ippjanar u l-governanza; il-parteċipazzjoni attiva ta’ min qed jitgħallem u tal-persunal; l-involviment tal-familji; il-ġestjoni tal-bini u r-riżorsi; is-sħubijiet ma’ komunitajiet lokali u dawk aktar usa’; u r-riċerka u l-innovazzjoni. Jappoġġaw lill-mexxejja edukattivi fil-ġestjoni tal-bidla organizzazzjonali bi żvilupp u gwida professjonali ddedikati għar-rwoli tagħhom.

b)

Jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji ta’ sostenibbiltà tagħhom u/jew l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-proċessi u l-miżuri eżistenti (eż. pjanijiet għall-iżvilupp tal-iskejjel, dikjarazzjonijiet tal-missjoni u strateġiji tal-edukazzjoni għolja). Jirrikonoxxu li dan huwa proċess fit-tul li jeħtieġ passi żgħar li jistgħu jitkejlu, li jiġu mmonitorjati u evalwati fuq bażi kontinwa, inkluż permezz ta’ awtovalutazzjoni mill-istituzzjoni.

c)

F’konformità mal-awtonomija istituzzjonali tagħhom, iħeġġu u jappoġġaw iċ-ċentri tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-iskejjel, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, il-fornituri tal-VET, l-istituzzjonijiet tal-apprendiment għall-adulti u fornituri oħra tal-edukazzjoni biex jieħdu sehem f’inizjattivi tal-ekotikketti li jistgħu jġibu benefiċċji ambjentali, soċjali, edukattivi u ekonomiċi. Jipprovdu strutturi ta’ appoġġ għal tali skemi, eż. aġenziji jew korpi biex jappoġġaw approċċi li jinvolvu l-istituzzjoni sħiħa, mentoraġġ u networking, mudelli u gwida, u appoġġ finanzjarju.

d)

Jiffokaw parti mill-mekkaniżmi interni u/jew esterni ta’ rieżami u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fuq is-sostenibbiltà. Jirrikonoxxu l-involviment effettiv tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ mezzi xierqa, inkluż, pereżempju, mekkaniżmi ta’ finanzjament.

e)

Ikomplu jintegraw it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fi programmi, sillabi u moduli fil-VET u fl-edukazzjoni għolja (f’konformità mal-awtonomija istituzzjonali u l-libertà akkademika), f’firxa ta’ dixxiplini, inkluż studji tan-negozju, xjenzi soċjali, xjenzi pedagoġiċi, studji umanistiċi, arti, arkitettura u inġinerija, ippjanar u ġestjoni tal-użu tal-art. Jagħmlu użu mir-riżorsi u l-materjali żviluppati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi ambjentali u edukattivi u minn korpi rilevanti oħra.

f)

Jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, tal-VET u tal-apprendiment għall-adulti fl-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ apprendiment qosra u mfassla apposta dwar it-tranżizzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, li jistgħu jwasslu, fost l-oħrajn, għal mikrokredenzjali, sabiex japprofondixxu, iwessgħu u jaġġornaw il-kompetenzi professjonali.

g)

Jippromwovu sħubijiet mad-dixxiplini u l-atturi kollha, inkluż negozji, l-arti, azjendi agrikoli, il-wirt kulturali, l-isport, iż-żgħażagħ, istituti tar-riċerka, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-industrija tar-riżorsi edukattivi (inkluż it-teknoloġija, il-pubblikazzjoni u tagħmir ieħor tal-kurrikuli) u r-riċerka edukattiva. Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ programmi ekstrakurrikulari, tas-sajf u oħrajn filwaqt li jipprovdu appoġġ għal internships, pereżempju, f’laboratorji, f’negozji, f’istituzzjonijiet tar-riċerka u f’organizzazzjonijiet mhux governattivi.

h)

Jappoġġaw programmi li jippromwovu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fis-sostenibbiltà. Isaħħu l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-VET biex jistabbilixxu jew isaħħu ċentri tas-sostenibbiltà li jsaħħu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari u l-bijodiversità.

8.

Jimmobilizzaw, fejn xieraq, fondi nazzjonali u tal-UE għall-investiment fl-infrastruttura, fit-taħriġ, fl-għodod u fir-riżorsi biex iżidu r-reżiljenza u t-tħejjija tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali favur it-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa u InvestEU.

9.

Jinvestu fil-monitoraġġ, fir-riċerka u fl-evalwazzjoni tal-isfidi ta’ politika u tal-impatt ta’ dawn l-inizjattivi sabiex jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda u jinfurmaw it-tfassil tal-politiki. Dan jista’ jinkludi l-implimentazzjoni ta’ indikaturi u miri eżistenti, inkluż fil-livell internazzjonali.

B’DAN JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, B’KUNSIDERAZZJONI XIERQA TAS-SUSSIDJARJETÀ U Ċ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

1.

Tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-apprendiment bejn il-pari fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, permezz ta’:

a)

Il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (20), fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ favur it-tranżizzjoni ekoloġika hija qasam prijoritarju ewlieni.

b)

Ixxandar u tħeġġeġ l-użu tal-opportunitajiet għall-promozzjoni, l-appoġġ u l-abilitazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE, bħal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, LIFE, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, Orizzont Ewropa, inkluż l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, il-programm tal-Edukazzjoni u Sensibilizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

c)

Tikkondividi l-prattiki tajbin minn skambji tal-persunal, proġetti u networks ta’ Erasmus+, inkluż permezz tal-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, il-komunità online eTwinning, l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+, kif ukoll iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

d)

Tidentifika, tiddokumenta u tikkondividi prattiki tajbin, inkluż permezz ta’ pjattaformi online eżistenti (21) , u tappoġġa n-networking ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u oħrajn attivi fl-edukazzjoni u fit-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali.

e)

Tinvolvi liż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari permezz tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, biex tiżgura li jitqiesu bis-sħiħ l-opinjonijiet, il-fehmiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

f)

Toħloq sinerġiji mal-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima u l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.

2.

Tiżviluppa, tikkondividi u tagħmel disponibbli, għall-użu volontarju, riżorsi, materjali u riċerka dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, inkluż dwar GreenComp, il-qafas Ewropew il-ġdid ta’ kompetenza għas-sostenibbiltà.

3.

Tappoġġa l-edukaturi fit-tagħlim favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli billi:

a)

tipprovdi riżorsi u materjali ta’ appoġġ għall-użu volontarju dwar il-Pjattaforma Ewropea tal-Edukazzjoni Skolastika, l-EPALE u l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ;

b)

tirrikonoxxi sforzi li jispikkaw fit-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ skemi ta’ premjijiet tal-UE, inkluż il-Premju Ewropew għat-Tagħlim Innovattiv, il-Premju eTwinning u l-Premjijiet Ewropej għall-Ħiliet Vokazzjonali.

4.

Timmonitorja l-iżvilupp ta’ ħiliet jew attitudnijiet ekoloġiċi lejn is-sostenibbiltà ambjentali mill-gradwati tal-edukazzjoni għolja u tal-VET, u r-riċerkaturi fil-bidu tal-karriera tagħhom, mingħajr ma toħloq obbligi ġodda ta’ rappurtar jew kwalunkwe piż addizzjonali għall-Istati Membri, permezz ta’ stħarriġ Ewropew eżistenti, bħall-inizjattiva Ewropea ta’ traċċar tal-gradwati, pereżempju billi tinkludi mistoqsijiet dwar tali attitudnijiet f’dan l-istħarriġ.

5.

Timmonitorja l-progress fl-edukazzjoni favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fil-qafas ta’ rapporti eżistenti dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, mingħajr ma toħloq obbligi ġodda ta’ rappurtar jew kwalunkwe piż addizzjonali għall-Istati Membri. Dan jinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ indikaturi possibbli jew miri fil-livell tal-UE dwar is-sostenibbiltà kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030).

6.

Issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali eżistenti, b’mod partikolari l-UNESCO u korpi oħra tan-NU, inkluż l-UNECE, biex trawwem approċċ tal-edukazzjoni u t-taħriġ favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli ma’ dawk li jfasslu l-politika, mal-prattikanti u mal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri u bejniethom, li jinkorpora l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja, skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Pjan Direzzjonali tal-UNESCO għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030.

7.

Tkompli ssaħħaħ id-dimensjoni ekoloġika tal-programm Erasmus+ u tal-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, fiż-żewġ każijiet kemm permezz tal-mobbiltà sostenibbli, il-kooperazzjoni online, il-prattiki ekoloġiċi fil-proġetti kif ukoll permezz ta’ attenzjoni qawwija fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli fil-kooperazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

O. DUSSOPT


(1)  COM(2019) 640 final.

(2)  COM(2020) 380 final.

(3)  Inkluż il-qafas il-ġdid għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UNECE għall-Edukazzjoni għal Żvilupp Sostenibbli mill-2021 sal-2030.

(4)  Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, it-terminu ’’edukaturi’’ jinkludi għalliema, ħarrieġa, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, ħarrieġa tal-għalliema u l-professjonisti kollha fl-edukazzjoni formali, mhux formali u informali.

(5)  12210/20.

(6)  UNESCO, Edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli: pjan direzzjonali, 2020.

(7)  COM(2020) 625 final.

(8)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(9)  ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1.

(10)  COM(2020) 628 final.

(11)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

(12)  COM(2020) 274 final.

(13)  ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.

(14)  COM(2020) 624 final.

(15)  OECD (2020), Are Students Ready to Thrive in an Interconnected World? (L-Istudenti Lesti biex Jirnexxu f’Dinja Interkonnessa?) PISA 2018, Volum VI.

(16)  Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Riċerka dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IRCAI), taħt l-awspiċi tal-UNESCO, huwa l-ewwel ċentru globali li jindirizza fl-attivitajiet tiegħu l-intelliġenza artifiċjali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.

(17)  Il-kunċett ta’ ’’kompetenzi ta’ sostenibbiltà’’ kif deskritt fi GreenComp, il-qafas Ewropew ta’ kompetenza għas-sostenibbiltà, ikopri l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa mill-istudenti ta’ kull età biex jgħixu, jaħdmu u jaġixxu b’mod sostenibbli (inkluż il-ħsieb kritiku, ir-riflessjoni dwar is-sistema u l-konnessjoni man-natura). ’’Ħiliet ekoloġiċi’’ huma relatati mal-ħiliet professjonali meħtieġa mis-setturi kollha u fil-livelli kollha fis-suq tax-xogħol għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi ġodda.

(18)  Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.

(19)  L-approċċ STEAM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti u Matematika) iħaddan il-potenzjal kreattiv li jgħaqqad l-edukazzjoni STEM mal-arti, l-istudji umanitarji u x-xjenzi soċjali.

(20)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1.

(21)  Dan jista’ jinkludi l-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima, il-Pjattaforma Ewropea tal-Edukazzjoni Skolastika futura, ir-Rokna tal-Apprendiment, il-Pjattaforma ’’Ix-Xjenza tal-Għaġeb’’! il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE), Scientix, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, u l-Patt għall-Ħiliet.


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/10


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2022

dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà

(2022/C 243/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 149 u 292, 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.

Fl-Ewropa hemm għadd dejjem akbar ta’ persuni li jridu jaġġornaw u jtejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-edukazzjoni formali u t-taħriġ tagħhom, u l-ħtiġijiet ta’ soċjetà u suq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu b’rata mgħaġġla. L-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u t-tranżizzjoni diġitali kif ukoll dik ekoloġika ħaffew il-pass tal-bidla fil-mod kif ngħixu, nitgħallmu u naħdmu. Enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li n-nies ikunu mgħammra aħjar biex jindirizzaw l-isfidi attwali u futuri. Il-pandemija affettwat il-prospetti tal-karriera kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti. Żiedet ukoll il-qgħad u għamlet ħsara lill-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ persuni fl-Ewropa.

2.

Waħda mill-isfidi ewlenin li qegħdin jiffaċċaw in-negozji u l-impjegaturi Ewropej hija provvista insuffiċjenti ta’ ħiliet rilevanti fis-suq tax-xogħol tal-UE. Fl-istess waqt, il-ħaddiema qed jiffaċċaw bidliet mingħajr preċedent fil-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol. Barra minn hekk, il-profili tal-kompiti u r-rekwiżiti tal-ħiliet qegħdin jinbidlu b’mod fundamentali minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Kif deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1868 tal-15 ta’ Ottubru 2021 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (1), “l-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku”. Titjib u tiġdid kontinwi tal-ħiliet huma essenzjali għall-ħaddiema biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-impjieg attwali tagħhom jew għat-tranżizzjoni għal impjiegi ġodda u setturi li qegħdin jespandu, bħas-setturi ekoloġiċi u diġitali, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tixjiħ demografiku.

3.

In-nies iridu aċċess għal tagħlim u apprendiment ta’ kwalità pprovduti b’modi u f’ambjenti differenti, sabiex jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi personali, soċjali, kulturali u professjonali tagħhom. Kien hemm appelli biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar flessibbli u biex jinstabu soluzzjonijiet li jipprovdu apprendiment aktar iċċentrat fuq l-istudent, aċċessibbli u inklużiv għal firxa usa’ ta’ profili. Il-fornituri mhux formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ qegħdin jindirizzaw ukoll din il-ħtieġa billi jipprovdu opportunitajiet ġodda u innovattivi għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet.

4.

Kultura effettiva ta’ apprendiment tul il-ħajja hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikollu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġ sabiex jirnexxi fis-soċjetà, fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja personali tiegħu. Huwa essenzjali li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw edukazzjoni u taħriġ rilevanti u ta’ kwalità, titjib u tiġdid tal-ħiliet matul ħajjithom. L-opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja għandhom ikunu parti mill-istrateġija fit-tul tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex itejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet tal-impjegaturi u tal-istudenti li jinbidlu b’rata mgħaġġla. Dan ser jippermetti lil korp aktar divers ta’ studenti (inkluż il-gradwati ta’ dawn l-istituzzjonijiet u studenti adulti oħrajn) itejbu u jġeddu l-ħiliet. Hu rakkomandat li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), il-fornituri tat-tagħlim għall-adulti u fornituri oħrajn ta’ mikrokredenzjali, inkluż impjegaturi, jikkooperaw u jintegraw l-aħħar sejbiet tar-riċerka fit-tfassil u fl-aġġornament tal-opportunitajiet ta’ apprendiment.

5.

Il-mikrokredenzjali jistgħu jgħinu sabiex jiġu ċċertifikati l-eżiti ta’ esperjenzi żgħar ta’ apprendiment imfassla apposta. Dawn jagħmlu possibbli l-kisba mmirata u flessibbli tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet ġodda u emerġenti fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol u jagħmluha possibbli għall-individwi biex jeliminaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu f’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, mingħajr ma jissostitwixxu l-kwalifiki tradizzjonali. Fejn xieraq, jistgħu jikkomplementaw kwalifiki eżistenti u jipprovdu valur miżjud filwaqt li ma jdgħajfux il-prinċipju ewlieni ta’ programmi ta’ lawrja sħiħa f’edukazzjoni inizjali u f’taħriġ. Il-mikrokredenzjali jistgħu jitfasslu u jinħarġu minn fornituri varji f’ambjenti ta’ apprendiment differenti (ambjenti formali, mhux formali u informali).

6.

Minkejja l-użu dejjem akbar tagħhom, ma hemm l-ebda definizzjoni jew standard komuni għall-mikrokredenzjali fl-Ewropa. Dan jillimita l-fehim u l-adozzjoni tal-mikrokredenzjali, u għalhekk idgħajjef il-potenzjal tal-mikrokredenzjali li jiffaċilitaw apprendiment u perkorsi tal-karriera flessibbli. Din ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-bini tal-fiduċja fil-mikrokredenzjali madwar l-Ewropa fost dawk kollha involuti, kemm fornituri kif ukoll benefiċjarji.

7.

Fl-ewwel prinċipju tiegħu, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2) jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettu parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u maniġġar b’suċċess ta’ tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, fl-Unjoni Ewropea kollha. Ir-raba’ prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta għat-titjib tal-prospetti tiegħu tal-impjieg jew tal-impjieg indipendenti. Dan id-dritt għall-assistenza jinkludi d-dritt li jingħata appoġġ għat-taħriġ u għall-kwalifikazzjoni mill-ġdid. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirreferi għall-mikrokredenzjali bħala strument innovattiv li “jista’ jiffaċilita perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u jappoġġa lill-ħaddiema fuq l-impjieg tagħhom jew matul tranżizzjonijiet professjonali”. Il-mikrokredenzjali jista’ jkollhom rwol fit-twettiq tal-miri ewlenin tal-UE li għandhom jintlaħqu sal-2030, inkluż mira li 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena u rata ta’ impjieg ta’ mill-anqas 78 %. Dawn iż-żewġ miri ntlaqgħu tajjeb mill-mexxejja tal-UE, mis-sħab soċjali u mis-soċjetà ċivili, fis-Summit Soċjali ta’ Porto u mbagħad mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu fl-24-25 ta’ Ġunju 2021 (3).

8.

B’mod parallel mal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (ir-Rakkomandazzjoni “EASE”) (4). Ir-Rakkomandazzjoni toffri gwida politika konkreta lill-Istati Membri dwar l-iżvilupp ta’ pakketti ta’ politika koerenti sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor u jrawmu rkupru mill-COVID-19 li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Il-gwida ta’ politika tkopri opportunitajiet għat-titjib u għat-tiġdid tal-ħiliet u miżuri ta’ appoġġ.

9.

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (5) ħabbret, fost it-12-il azzjoni ewlenija tagħha, inizjattiva ġdida dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali. Din l-inizjattiva ġdida għandha l-għan li tappoġġa l-kwalità, it-trasparenza u l-adozzjoni tal-mikrokredenzjali fl-UE. L-Aġenda għall-Ħiliet ħabbret ukoll inizjattiva dwar kontijiet individwali tal-apprendiment li tista’ tgħin fit-tnaqqis ta’ distakki eżistenti fl-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti fl-età tax-xogħol u tippermetti lin-nies jimmaniġġaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol b’suċċess. Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw bħala parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ magħmula disponibbli għan-nies sabiex isostnu t-tħaddim ta’ dawn il-kontijiet individwali ta’ apprendiment.

10.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (6) ħabbret li l-Kummissjoni ser taħdem lejn l-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, biex tgħin twessa’ l-opportunitajiet ta’ tagħlim u ssaħħaħ ir-rwol kemm tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-apprendiment tul il-ħajja.

11.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (7) titlob lill-Kummissjoni biex “tesplora l-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali”.

12.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (8) tippreżenta l-esplorazzjoni tal-kunċett u l-użu tal-mikrokredenzjali bħala waħda mill-kwistjonijiet u azzjonijiet konkreti għaż-żona tal-prijorità 2 tal-qafas strateġiku (Tagħlim tul il-ħajja u mobbiltà).

13.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej – Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea (9) jenfasizzaw li “għalkemm ma jiddevjawx mill-prinċipju ewlieni ta’ programmi ta’ lawrja sħiħa u lanqas ma jdgħajfuh, il-mikrokredenzjali jistgħu jgħinu jwessgħu l-opportunitajiet ta’ apprendiment biex jakkomodaw studenti mhux tradizzjonali u d-domanda għal ħiliet ġodda fis-suq tax-xogħol; jagħmlu l-esperjenza ta’ apprendiment aktar flessibbli u modulari; jappoġġaw l-aċċess għall-edukazzjoni għolja; u jinvolvu lill-istudenti, irrispettivament mill-kwalifiki preċedenti jew mill-kuntest tagħhom, filwaqt li jippromwovu opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet u jiżguraw edukazzjoni ta’ kwalità”.

14.

Il-Ministri għall-Edukazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja impenjaw ruħhom fil-Komunikat ta’ Ruma dwar il-Proċess intergovernattiv ta’ Bolonja (10) sabiex jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tagħhom: (i) jiddiversifikaw l-offerta ta’ apprendiment tagħhom; u (ii) jinnovaw fil-kontenut edukattiv u l-modi ta’ provvediment. Minbarra l-programmi ta’ lawrja sħiħa, u filwaqt li jżommu d-dritt tagħhom li jfasslu programmi ta’ studju u li jirregolaw kwistjonijiet ta’ trasferiment ta’ kreditu b’mod indipendenti, ħafna istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja joffru jew qegħdin jippjanaw li joffru unitajiet iżgħar ta’ apprendiment. Dawn l-unitajiet iżgħar jistgħu jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw jew jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi kulturali, professjonali u trasversali tagħhom f’diversi stadji f’ħajjithom. Il-kooperazzjoni fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja ser tesplora kif, u kemm, dawn l-unitajiet iżgħar u flessibbli ta’ apprendiment – inkluż dawk li jwasslu għall-mikrokredenzjali – jistgħu jiġu definiti, żviluppati, implimentati u rikonoxxuti bl-użu ta’ għodod komuni.

15.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jipprevedu l-ħtiġijiet, l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet individwali differenti tal-istudenti kollha. Għandhom joffru wkoll opportunitajiet ta’ apprendiment lil kulħadd, inkluż f’ambjenti mhux formali u informali kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd (11). Il-mikrokredenzjali mfassla tajjeb jistgħu jintużaw bħala parti minn miżuri mmirati sabiex jappoġġaw l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal firxa usa’ ta’ studenti. Din il-firxa usa’ ta’ studenti tinkludi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal persuni b’diżabilità, anzjani, persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki/ħiliet, minoranzi, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati u persuni b’anqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u/jew is-sitwazzjoni soċjoekonomika żvantaġġata tagħhom). Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw ukoll biex jgħinu lill-istudenti jorjentaw ruħhom u biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-apprendiment u t-taħriġ, u s-suċċess fihom, u biex jingħata appoġġ għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol. It-tkabbir mistenni fl-għadd ta’ refuġjati u applikanti għall-ażil ser jirrikjedi l-iżvilupp ta’ strateġiji sabiex dawn il-gruppi jiġu integrati b’mod effettiv fis-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol. Il-gwida u l-apprendiment reċiproku fl-UE b’rabta mat-tfassil u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali jistgħu jrawmu l-inklużjoni u jiżguraw li l-istudenti mill-gruppi kollha tas-soċjetà jkunu jistgħu jaċċessaw il-benefiċċji tagħhom.

16.

Il-mikrokredenzjali jistgħu jappoġġaw ukoll l-iżvilupp professjonali u l-mobbiltà tal-ħaddiema, inkluż nies f’forom ta’ impjieg mhux standard, bħal dawk fl-ekonomija tal-pjattaformi (12), li jista’ jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw taħriġ skont l-istatus fl-impjieg tagħhom (13).

17.

Il-mikrokredenzjali jista’ jkollhom rwol attiv fit-twettiq ta’ inizjattivi ta’ politika tal-UE sabiex javvanzaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġika. Il-mikrokredenzjali jistgħu: (i) isostnu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 (14) sabiex jgħinu fl-għoti ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment flessibbli u aċċessibbli għall-ħiliet diġitali; u (ii) jilħqu l-miri tal-pjan “Kumpass Diġitali 2030” tal-Kummissjoni sabiex sal-2030 tiġi żviluppata popolazzjoni b’ħiliet diġitali kif ukoll professjonisti diġitali b’ħiliet għolja fl-Ewropa. Il-mikrokredenzjali jistgħu jaqdu wkoll rwol fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (15) li huwa l-istrateġija ta’ tkabbir tal-Ewropa li għandu l-għan li jittrasforma l-ekonomija u s-soċjetà tagħha u jpoġġihom fi triq aktar sostenibbli.

18.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (16) tipprevedi qafas komuni ta’ referenza biex tgħin lin-nies u lill-organizzazzjonijiet iqabblu kemm sistemi ta’ kwalifika differenti kif ukoll il-livelli ta’ kwalifika minn dawk is-sistemi. Bħala qafas ta’ referenza Ewropew, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) huwa miftuħ għat-tipi u l-livelli kollha ta’ kwalifiki u jirrappreżenta r-referenza standard komuni għat-trasparenza, il-portabbiltà u l-komparabbiltà. Il-QEK huwa miftuħ ukoll għall-mikrokredenzjali jekk u fejn huma l-ewwel inklużi fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki.

19.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (17) stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu sal-2018 – skont iċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u kif iqisu xieraq – arranġamenti għall-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali. Dawn l-arranġamenti għall-validazzjoni jfissru li n-nies jista’ jkollhom il-validazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jkunu kisbu permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali. Dawn l-arranġamenti għall-validazzjoni jippermettu wkoll lin-nies jiksbu kwalifika sħiħa jew, fejn applikabbli, kwalifika parzjali. L-evalwazzjoni tal-2020 tar-Rakkomandazzjoni (18) talbet għal aktar żvilupp tar-rabtiet bejn il-validazzjoni u l-mikrokredenzjali.

20.

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE (19) tistabbilixxi l-bażi għall-għoti ta’ għodod online biex in-nies ikunu jistgħu jimmaniġġaw il-karriera u l-apprendiment tul il-ħajja tagħhom b’servizzi ta’ awtentikazzjoni għall-kredenzjali li jagħmlu l-mikrokredenzjali portabbli.

21.

Ir-rilevanza, l-iżvilupp u l-aġġornament tal-mikrokredenzjali jiddependu fuq:

i)

il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u;

ii)

djalogu soċjali settorjali u transindustrijali (dan id-djalogu soċjali għandu jinvolvi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku, intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u persunal professjonali u maniġerjali).

22.

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-prinċipji tal-awtonomija istituzzjonali u l-libertà akkademika, u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

23.

Din ir-Rakkomandazzjoni hi mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-reġim ta’ rikonoxximent awtomatiku previsti fiha,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI li għandha tiġi implimentata f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prijoritajiet reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, iċ-ċirkostanzi nazzjonali u r-riżorsi disponibbli, inkluż is-sitwazzjoni soċjoekonomika u l-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-apprendiment tul il-ħajja u l-impjiegi, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha:

Objettivi

1.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jadottaw approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali bl-objettiv li:

a)

l-individwi jkunu jistgħu jiksbu, jaġġornaw u jtejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu sabiex jirnexxu f’suq tax-xogħol u f’soċjetà li qegħdin jevolvu, sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ minn irkupru soċjalment ġust u minn tranżizzjonijiet ġusti għall-ekonomija ekoloġika u diġitali u biex ikunu mgħammra aħjar biex jindirizzaw sfidi attwali u futuri;

b)

tiġi appoġġata t-tħejjija tal-fornituri ta’ mikrokredenzjali biex itejbu l-kwalità, it-trasparenza, l-aċċessibbiltà u l-flessibbiltà tal-offerta ta’ apprendiment sabiex l-individwi jingħataw is-setgħa li jsawru perkorsi personalizzati ta’ apprendiment u tal-karriera;

c)

jitrawmu l-inklużività, l-aċċess u opportunitajiet indaqs u jkun hemm kontribut għall-kisba tar-reżiljenza, il-ġustizzja soċjali u l-prosperità għal kulħadd, f’kuntest ta’ bidliet demografiċi u soċjetali u matul il-fażijiet kollha taċ-ċikli ekonomiċi.

2.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw il-mikrokredenzjali, fejn xieraq, bħala għodda biex isaħħu u jikkomplementaw l-opportunitajiet ta’ apprendiment eżistenti, iżidu l-parteċipazzjoni fl-apprendiment tul il-ħajja u jgħinu biex tintlaħaq il-mira li 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena kif stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u kif milqugħ mill-mexxejja tal-UE u approvat bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim għall-adulti 2021-2030 (20).

Kamp ta’ applikazzjoni

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-mikrokredenzjali, kif ukoll il-politiki li jistgħu jappoġġaw it-tfassil, il-ħruġ u l-użu effettiv tagħhom.

4.

Il-mikrokredenzjali jistgħu jintużaw biex jikkomplementaw u jtejbu l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-apprendiment tul il-ħajja u l-ekosistemi tal-impjegabbiltà. Il-miżuri deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu l-opportunitajiet għall-apprendiment u l-impjegabbiltà mingħajr ma jfixklu s-sistemi tal-edukazzjoni inizjali, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u mingħajr ma jdgħajfu u jissostitwixxu l-kwalifiki u l-lawrji eżistenti. Il-miżuri jirrakkomandaw l-istabbiliment ta’ approċċ Ewropew komuni għall-għoti kontinwu u emerġenti ta’ mikrokredenzjali fl-Unjoni Ewropea u jistabbilixxu definizzjoni u gwida għat-tfassil, il-ħruġ u d-deskrizzjoni tal-mikrokredenzjali biex jittejbu l-kwalità u t-trasparenza tagħhom u tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tagħhom.

Definizzjonijiet

5.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

a)

“Mikrokredenzjali” tfisser ir-rekord tal-eżiti tal-apprendiment li student ikun kiseb wara volum żgħir ta’ apprendiment. Dawn l-eżiti tal-apprendiment ikunu ġew ivvalutati skont kriterji trasparenti u ddefiniti b’mod ċar. L-esperjenzi ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali huma mfassla biex jipprovdu lill-istudent b’għarfien, ħiliet u kompetenzi speċifiċi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, personali, kulturali jew tas-suq tax-xogħol. Il-mikrokredenzjali huma proprjetà tal-istudent, jistgħu jiġu kondiviżi u huma portabbli. Dawn jistgħu jkunu indipendenti jew ikkombinati fi kredenzjali akbar. Dawn huma sostnuti b’assigurazzjoni tal-kwalità skont standards miftiehma fis-settur jew fil-qasam rilevanti ta’ attività.

b)

“Fornituri ta’ mikrokredenzjali” tfisser istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sħab soċjali (jiġifieri organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi), impjegaturi u industrija, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, servizzi pubbliċi tal-impjiegi u awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, u tipi oħra ta’ atturi li jfasslu, jipprovdu u joħorġu l-mikrokredenzjali għal apprendiment formali, mhux formali u informali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni u ċ-ċirkostanzi reġjonali u nazzjonali.

c)

“Ambjenti ta’ apprendiment” tfisser il-postijiet, il-kuntesti u l-kulturi differenti fiżiċi, online, imħallta (21), virtwali u diġitali, li fihom in-nies jitgħallmu, li jinkludu l-kuntesti kollha li fihom jista’ jseħħ apprendiment formali, mhux formali u informali.

d)

“Apprendiment formali” tfisser apprendiment li jsir f’ambjent organizzat u strutturat, speċifikament dedikat għall-apprendiment u tipikament iwassal għall-għoti ta’ kwalifika, ġeneralment f’forma ta’ ċertifikat jew ta’ diploma; dan jinkludi sistemi tal-edukazzjoni ġenerali, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali tal-bidu, ulterjuri u terzjarji, u l-edukazzjoni għolja (22).

e)

“Apprendiment mhux formali” tfisser apprendiment li jsir barra mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali permezz ta’ attivitajiet pjanati f’termini tal-objettivi tal-apprendiment u ż-żmien tal-apprendiment u fejn ikun hemm xi forma ta’ appoġġ għall-apprendiment (23).

f)

“Apprendiment informali” tfisser apprendiment li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kuljum u esperjenzi li mhumiex organizzati jew strutturati f’termini ta’ objettivi, ta’ żmien jew ta’ appoġġ għall-apprendiment; jista’ jkun mhux intenzjonat mill-perspettiva tal-istudent (24). Dan ma jwassalx awtomatikament għal mikrokredenzjali iżda jista’ jitqies fil-kuntest ta’ arranġamenti ta’ validazzjoni li jistgħu jidentifikaw, jiddokumentaw, jivvalutaw u/jew jiċċertifikaw l-eżiti tal-apprendiment ta’ individwu.

g)

“Portabbiltà” tfisser il-kapaċità li detentur ta’ kredenzjali jaħżen il-mikrokredenzjali tiegħu f’sistema tal-għażla tiegħu, li jaqsam il-kredenzjali ma’ parti tal-għażla tiegħu (kemm jekk nazzjonali kif ukoll jekk transfruntier) u sabiex il-partijiet kollha fl-iskambju jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut u jivverifikaw l-awtentiċità tal-kredenzjali. Dan jippermetti l-portabbiltà bejn u fi ħdan is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fis-suq tax-xogħol u bejn il-pajjiżi.

h)

“Kumulabbiltà” tfisser il-possibbiltà, fejn rilevanti, li jiġu kkombinati mikrokredenzjali differenti u li wieħed jibnihom b’mod loġiku fuq xulxin. Id-deċiżjonijiet dwar kif ser jiġu “kkumulati” jew kkombinati l-kredenzjali huma f’idejn l-organizzazzjoni li tilqa’ (pereżempju l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjegaturi eċċ) bi qbil mal-prattiki tagħhom u għandhom jappoġġaw il-miri u l-ħtiġijiet tal-istudent. L-ikkumular ma joħloqx intitolament awtomatiku għal kwalifika jew lawrja. Tali deċiżjonijiet jittieħdu minn awtoritajiet jew istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali f’konformità mal-proċessi tal-għoti tagħhom.

i)

“Valutazzjoni” tfisser il-proċess jew il-metodu użat għall-evalwazzjoni, għall-kejl u eventwalment għad-deskrizzjoni tal-eżiti tal-apprendiment miksuba mill-individwi permezz ta’ ambjenti formali, mhux formali jew informali. Il-valutazzjoni titwettaq mill-fornitur jew minn fornituri tal-valutazzjoni rikonoxxuti oħrajn.

Definizzjoni u elementi standard Ewropej għad-deskrizzjoni ta’ mikrokredenzjali

6.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jadottaw u jippromwovu l-użu ta’:

a)

id-definizzjoni ta’ mikrokredenzjali kif stabbilita fil-paragrafu 5(a);

b)

l-elementi standard Ewropej biex jiddeskrivu mikrokredenzjali (kif deskritti fl-Anness I) inkluż l-elementi obbligatorji li ġejjin:

i)

l-identifikazzjoni tal-istudent

ii)

it-titolu tal-mikrokredenzjali

iii)

il-pajjiż(i)/ir-reġjun(i) tal-emittent

iv)

il-korp(i) tal-għoti

v)

id-data tal-ħruġ

vi)

l-eżiti tal-apprendiment

vii)

l-ammont ta’ xogħol nozzjonali meħtieġ biex jinkisbu l-eżiti tal-apprendiment (fis-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti – ECTS, fejn possibbli)

viii)

il-livell (u ċ-ċiklu, jekk applikabbli) tal-esperjenza tal-apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjali (il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, l-Oqfsa tal-Kwalifiki fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja), jekk applikabbli

ix)

it-tip ta’ valutazzjoni

x)

il-forma ta’ parteċipazzjoni fl-attività ta’ apprendiment

xi)

it-tip ta’ assigurazzjoni tal-kwalità użata biex tirfed il-mikrokredenzjali

c)

Il-prinċipji Ewropej għat-tfassil u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali (kif deskritti fl-Anness II).

Żvilupp tal-ekosistema għall-mikrokredenzjali

7.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jiffaċilitaw l-iżvilupp kontinwu u emerġenti tal-mikrokredenzjali f’ambjenti ta’ apprendiment formali, inkluż billi:

a)

jappoġġaw l-esplorazzjoni minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tar-rwol tal-mikrokredenzjali li joffru opportunitajiet ta’ apprendiment lil diversi studenti, b’mod partikolari billi titwessa’ offerta ta’ attivitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja attraenti, aċċessibbli, inklużivi u ċċentrati fuq l-istudent, inkluż permezz tal-attivitajiet tal-alleanzi tal-“Universitajiet Ewropej” (25), fejn applikabbli;

b)

jappoġġaw l-esplorazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fornituri oħrajn tal-VET tar-rwol tal-mikrokredenzjali fit-tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-appoġġ tat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-adulti, inkluż permezz tal-attivitajiet taċ-Ċentri tal-VET ta’ Eċċellenza Vokazzjonali, fejn applikabbli;

c)

jikkunsidraw li jagħtu finanzjament pubbliku, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, għall-iżvilupp u l-provvediment ta’ attivitajiet żgħar ta’ edukazzjoni u taħriġ li jwasslu għall-mikrokredenzjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li titqies l-awtonomija istituzzjonali li tippermetti d-diversità u l-kreattività.

8.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp kontinwu u emerġenti tal-mikrokredenzjali f’ambjenti ta’ apprendiment mhux formali u informali, inkluż billi:

a)

jappoġġaw it-tfassil u l-ħruġ ta’ mikrokredenzjali minn fornituri għajr dawk fil-paragrafu 7 (dawn il-fornituri jistgħu jinkludu: kumpanniji, sħab soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali, ċentri komunitarji, assoċjazzjonijiet professjonali, organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u fornituri privati), inkluż il-promozzjoni tad-diversità tas-sorsi ta’ finanzjament;

b)

jippromwovu l-iżvilupp ta’ mikrokredenzjali mfassla u maqbula mir-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema permezz ta’ djalogu soċjali, fejn xieraq;

c)

jikkunsidraw li jadattaw il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-apprendiment minn qabel u l-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali biex jippermettu l-għoti ta’ mikrokredenzjali.

9.

L-Istati Membri huma mħeġġa jappoġġaw il-kwalità u t-trasparenza tal-mikrokredenzjali, fejn xieraq inkluż billi:

a)

japplikaw, jadattaw u jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-mikrokredenzjali maħruġa minn tipi differenti ta’ fornituri, bl-użu ta’ mekkaniżmi eżistenti, kull fejn ikun possibbli (ara l-Anness 2);

b)

jappoġġaw l-użu ta’ sistemi ta’ “informazzjoni dwar il-ħiliet” biex jiġu analizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-bidliet demografiċi bl-għan li tkun tista’ tiġi identifikata kwalunkwe ħtieġa għall-iżvilupp jew għall-aġġornament tal-mikrokredenzjali;

c)

jħeġġu lill-fornituri biex jippubblikaw katalgi tal-mikrokredenzjali li joffru, li jinkludu, fejn rilevanti, il-politika tagħhom dwar ir-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali maħruġa minn fornituri oħrajn;

d)

jintegraw il-mikrokredenzjali fl-oqfsa u fis-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki. Id-deċiżjonijiet biex jiġu integrati l-mikrokredenzjali f’oqfsa jew sistemi reġjonali u nazzjonali jittieħdu mill-awtoritajiet jew l-istituzzjonijiet nazzjonali f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali.

10.

L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu u jappoġġaw, fejn xieraq, esperimentazzjoni, kooperazzjoni, governanza u sħubijiet effettivi bejn:

i)

istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

ii)

sħab soċjali;

iii)

impjegaturi u l-industrija;

iv)

organizzazzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni;

v)

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

vi)

servizzi ta’ impjiegi u inklużjoni soċjali u;

vii)

awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali.

Din l-esperimentazzjoni, il-kooperazzjoni, il-governanza u s-sħubija huma importanti għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għall-mikrokredenzjali, l-iżvilupp konġunt tal-mikrokredenzjali, u l-aġġornament tal-mikrokredenzjali, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-impatt fuq it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet u t-taħriġ, l-apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera.

Twettiq tal-potenzjal tal-mikrokredenzjali

11.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jintegraw il-mikrokredenzjali kemm fis-sistemi tal-edukazzjoni kif ukoll f’dawk tat-taħriġ u fil-politiki dwar il-ħiliet, inkluż billi:

a)

jħeġġu l-inklużjoni ta’ offerti ta’ edukazzjoni u taħriġ li jwasslu għal mikrokredenzjali f’katalgi ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ li huma offruti;

b)

jużaw il-mikrokredenzjali biex jittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti kollha, inkluż gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal persuni b’diżabilità, anzjani, persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki/ħiliet, minoranzi, persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati u persuni b’anqas opportunitajiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u/jew is-sitwazzjoni soċjoekonomika żvantaġġata tagħhom), fejn xieraq;

c)

jużaw il-mikrokredenzjali biex jiġu appoġġati perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u t-tranżizzjoni minn edukazzjoni sekondarja għolja jew VET għal edukazzjoni terzjarja u l-edukazzjoni għall-adulti fejn rilevanti;

d)

jużaw il-mikrokredenzjali li jistgħu jiġu integrati fi programmi ta’ lawrji jew li jistgħu jikkomplementawhom, fejn rilevanti;

e)

jużaw il-mikrokredenzjali bħala mezz ieħor biex jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali bażiċi u avvanzati ta’ firxa usa’ ta’ studenti, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

f)

jużaw il-mikrokredenzjali biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli bħala parti mill-implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli;

g)

jippromwovu l-użu ta’ mikrokredenzjali minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u minn fornituri oħrajn – f’kooperazzjoni mal-ekosistema tal-għarfien u tal-innovazzjoni tal-madwar tagħhom – sabiex tingħata spinta lir-rilevanza u jiżdied l-impatt pożittiv potenzjali tal-mikrokredenzjali fuq l-ekonomija fil-livell lokali u reġjonali;

h)

jippromwovu l-fehim u l-użu tal-mikrokredenzjali permezz ta’ żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u għal min iħarreġ, għall-konsulenti ta’ gwida (eż. fil-kuntest tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+), kif ukoll għall-akkademiċi, ir-riċerkaturi u persunal relatat ieħor;

i)

jippromwovu l-użu tal-mikrokredenzjali għat-trasferiment fil-pront tal-aktar sejbiet reċenti tar-riċerka f’opportunitajiet ta’ apprendiment, filwaqt li jsaħħu s-sinerġiji bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

j)

jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu sfidati l-ġeneru u sterjotipi diskriminatorji oħrajn li jikkonċernaw l-għażliet ta’ studju u li huma fi ħdan il-prattiki u l-materjali edukattivi.

12.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jintegraw il-mikrokredenzjali fil-politiki tagħhom dwar l-impjieg u fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (jiġifieri s-servizzi għall-impjiegi, l-appoġġ għat-taħriġ u l-inċentivi għall-impjiegi), inkluż billi:

a)

jużaw il-mikrokredenzjali, kif rilevanti, biex:

i)

jindirizzaw l-ispariġġ fil-ħiliet u l-konġestjonijiet f’setturi u f’reġjuni ekonomiċi partikolari u

ii)

itejbu u jġeddu l-ħiliet tal-ħaddiema għal ħiliet u impjiegi li huma mfittxija fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

b)

jinkludu taħriġ li jwassal għal mikrokredenzjali f’opportunitajiet ta’ taħriġ rikonoxxuti li jistgħu jkunu marbuta ma’ kontijiet individwali ta’ apprendiment, fejn jeżistu, u sistemi oħrajn għall-appoġġ tat-taħriġ;

c)

jippromwovu l-użu tal-mikrokredenzjali bħala mezz biex jiġu aġġornati u mtejba l-ħiliet tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u tal-ħaddiema mhux standard, inkluż l-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi u SMEs;

d)

jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali f’inizjattivi mmirati biex jappoġġaw u jimmotivaw gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (bħal riċevituri ta’ introjtu minimu, persuni b’diżabilità, persuni qiegħda fit-tul u persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki) biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol jew ikomplu impjieg;

e)

jesploraw ir-rwol tal-mikrokredenzjali fi ħdan is-sistemi għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa biex jiġu appoġġati ż-żgħażagħ, inkluż fit-taħriġ preparatorju u l-offerti ta’ kwalità tajba ta’ edukazzjoni jew taħriġ kontinwu;

f)

jesploraw ir-rwol tal-mikrokredenzjali bħala parti mill-implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE);

g)

jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali biex jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema u jiġu ssodisfati r-rekwiżiti obbligatorji għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet f’ċerti impjiegi u tipi ta’ xogħol (eż. għal-liċenzji, għat-taħriġ meħtieġ u għall-permessi).

13.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw in-Network Ewropew ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (networks ENIC-NARIC) jew korpi adegwati biex jiżviluppaw, fejn rilevanti, proċeduri ta’ rikonoxximent trasparenti għall-mikrokredenzjali maħruġa minn tipi differenti ta’ fornituri. Dan għandu jsir f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti msemmija fil-paragrafu 10, inkluż permezz tal-esplorazzjoni tal-fattibbiltà possibbli tar-rikonoxximent awtomatiku tal-mikrokredenzjali (26).

14.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni u l-pariri dwar l-identifikazzjoni u l-għażla tal-mikrokredenzjali jiġu inkorporati fis-servizzi ta’ gwida għall-apprendiment tul il-ħajja. Dan jinkludi servizzi ta’ gwida f’ċentri tal-karriera tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, f’servizzi pubbliċi tal-impjiegi, f’servizzi privati tal-impjiegi, f’servizzi soċjali u f’servizzi oħrajn ta’ gwida (impjiegi, karriera, edukazzjoni u taħriġ, ikkowċjar). L-inkorporazzjoni ta’ gwida dwar il-mikrokredenzjali f’dawn is-servizzi għandha taqdi l-ħtiġijiet tal-istudenti kollha, inkluż l-istudenti żvantaġġati u vulnerabbli.

15.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri:

a)

jiddefinixxu miżuri billi jibnu fuq l-arranġamenti nazzjonali u l-oqfsa finanzjarji rilevanti eżistenti biex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni. Dan jista’ jinkludi rabtiet ma’ kontijiet individwali tal-apprendiment, fejn jeżistu (b’kunsiderazzjoni dovuta għar-responsabbiltà u l-awtonomija tal-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tas-suq tax-xogħol fil-kuntest nazzjonali).

b)

jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi u mill-istrumenti tal-Unjoni sabiex jappoġġaw ir-riformi meħtieġa, mill-qafas ta’ abilitazzjoni għall-iżvilupp u l-użu tal-mikrokredenzjali.

Appoġġ mill-Kummissjoni

Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa tas-sussidjarjetà u ċ-ċirkostanzi nazzjonali u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li:

16.

tiżviluppa u tadatta, fejn rilevanti, l-għodod u s-servizzi eżistenti tal-Unjoni biex tappoġġa l-iżvilupp tal-mikrokredenzjali mit-tipi kollha ta’ fornituri, inkluż billi:

a)

tappoġġa l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar kif tista’ titrawwem it-trasparenza u jiġu applikati l-istrumenti attwali tal-UE u ta’ Bolonja fil-qasam tal-edukazzjoni għolja għall-assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna tal-mikrokredenzjali;

b)

tesplora kif tista’ tiġi adattata l-gwida tal-utent tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti fil-qasam tal-edukazzjoni għolja biex jiġu integrati l-mikrokredenzjali;

c)

tesplora kif jistgħu jiġu adattati u żviluppati l-għodod tal-UE għall-ħiliet u għall-kwalifiki biex jiġu integrati l-mikrokredenzjali fis-sistemi tal-VET;

d)

trawwem ir-rwol tal-ENIC-NARIC u korpi adegwati oħrajn fir-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali għal aktar studji u/jew għal finijiet ta’ impjieg inkluż bl-iżvilupp ta’ gwida u taħriġ;

e)

tappoġġa diskussjoni strutturata dwar il-possibbiltà li jiġu inklużi l-mikrokredenzjali fl-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK);

f)

tesplora l-iżvilupp tal-inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti biex l-istudenti jkunu jistgħu jaqsmu l-eżiti tal-mikrokredenzjali miksuba barra mill-pajjiż waqt l-istudji tagħhom, b’mod sigur ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

17.

tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati inkluż billi:

a)

tappoġġa l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali dwar inizjattivi ta’ politika reġjonali u nazzjonali rilevanti u evidenza dwar l-impatt tagħhom, filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha;

b)

tippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-mikrokredenzjali, u b’hekk tibni fiduċja reċiproka;

c)

tinċentiva l-esperimentazzjoni bil-mikrokredenzjali u l-użu tagħhom minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż l-alleanzi tal-“Universitajiet Ewropej” u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-VET għall-promozzjoni u l-inkoraġġiment tal-użu tal-mikrokredenzjali mill-komunità usa’ tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

d)

tippromwovi l-involviment b’rabta mal-mikrokredenzjali fl-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ u fornituri oħrajn tal-edukazzjoni għall-għalliema u tat-taħriġ għall-għalliema biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-għalliema għal żvilupp professjonali kontinwu, fejn xieraq;

e)

tesplora l-involviment b’rabta mal-mikrokredenzjali minn sħab soċjali, minn impjegaturi u l-industrija, inkluż permezz tal-Patt għall-Ħiliet u inizjattivi ta’ kooperazzjoni marbuta bħall-Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati msaħħa u l-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

f)

tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-impjegaturi dwar kif għandhom jintużaw il-mikrokredenzjali biex tiġi appoġġata l-impjegabbiltà fil-kuntest tan-Network tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

g)

tiffaċilita proġetti ta’ kooperazzjoni fost is-sħab soċjali u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ dwar kif għandhom jintużaw u jiġu implimentati l-mikrokredenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali, u f’setturi differenti.

18.

tappoġġa l-implimentazzjoni teknika tar-Rakkomandazzjoni billi tesplora aktar żviluppi fil-pjattaforma tal-Europass biex tipprovdi, fejn rilevanti:

a)

informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali u dwar fornituri li jirrispettaw l-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali;

b)

appoġġ għall-awtentikazzjoni tal-mikrokredenzjali permezz ta’ kredenzjali diġitali Ewropej għall-apprendiment;

c)

appoġġ għall-portabbiltà, il-kumulabbiltà, l-interoperabbiltà, l-iskambju u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-mikrokredenzjali permezz ta’ standard miftuħ Ewropew li jispeċifika format komuni għall-mikrokredenzjali.

19.

tappoġġa aktar riċerka dwar:

i)

l-adozzjoni tal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, inkluż dwar l-użu tagħhom mill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-impjegaturi u mis-sħab soċjali;

ii)

eżiti u benefiċċji partikolari għall-istudenti;

iii)

il-valur miżjud tagħhom meta mqabbel ma’ lawrji jew kwalifiki sħaħ u b’mod komplementari għalihom u;

iv)

aktar evidenza dwar il-fatturi li jinfluwenzaw l-inċentivi u l-motivazzjoni tan-nies biex jibdew it-taħriġ.

20.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaħdmu b’mod konġunt biex itejbu l-għan u r-rilevanza tal-ġbir eżistenti tad-data dwar il-mikrokredenzjali fil-livell tal-Unjoni.

Rapportar

21.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli. Huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni sa Diċembru 2023 dwar il-miżuri korrispondenti li għandhom jittieħdu fil-livell xieraq biex jappoġġaw l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

22.

Il-Kummissjoni hija mistiedna timmonitorja l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta’ oqfsa rilevanti eżistenti ta’ monitoraġġ u rapportar tal-Unjoni, mingħajr l-ebda piż addizzjonali għall-Istati Membri, f’kooperazzjoni magħhom u wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati, u tirrapporta lill-Kunsill fi żmien ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ġunju 2022

Għall-Kunsill

Il-President

O. DUSSOPT


(1)  ĠU L 379, 26.10.2021, p. 1.

(2)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(3)  “[...] il-Kunsill Ewropew jilqa’ l-miri ewlenin tal-UE tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto”, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 24-25 ta’ Ġunju 2021, EUCO 7/21.

(4)  C(2021) 1372 final.

(5)  COM(2020) 274 final.

(6)  COM(2020) 625 final.

(7)  ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.

(8)  ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1.

(9)  ĠU C 221, 10.6.2021, p. 14.

(10)  Komunikat Ministerjali ta’ Ruma tad-19 ta’ Novembru 2020.

(11)  ĠU C 221, 10.6.2021, p. 3.

(12)  “[...] il-kunċett tal-ekonomija tal-pjattaformi online jenħtieġ li jinftiehem li jkopri l-attività ekonomika kollha li tirriżulta minn tranżazzjonijiet kummerċjali attwali jew maħsuba fis-suq intern u ffaċilitata direttament jew indirettament minn pjattaformi online, b’mod partikolari servizzi tal-intermedjazzjoni online u magni tat-tiftix online”, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2018 dwar l-istabbiliment ta’ grupp ta’ esperti għall-Osservatorju dwar l-Ekonomija tal-Pjattaformi Online, C(2018) 2393 final, 26 ta’ April 2018, p. 1.

(13)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, drittijiet u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaformi – forom ġodda ta’ impjieg marbuta mal-iżvilupp diġitali (2019/2186(INI)) talbet li l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema tal-pjattaformi jiġu indirizzati fil-kuntest tal-approċċ tal-UE għall-mikrokredenzjali.

(14)  COM(2020) 624 final.

(15)  COM(2019) 640 final.

(16)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

(17)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(18)  SWD (2020) 121 final.

(19)  ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42.

(20)  ĠU C 504, 14.12.2021, p. 9.

(21)  “Apprendiment imħallat” fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali huwa t-terminu użat għad-deskrizzjoni ta’ skola, edukatur jew student li jadotta aktar minn approċċ wieħed għall-proċess ta’ apprendiment.

(22)  Definizzjoni abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(23)  Id-definizzjoni meħuda mir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ĠU L 189, 28.05.2021, p. 1.

(24)  Id-definizzjoni meħuda mir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ĠU L 189, 28.05.2021, p. 1.

(25)  ĠU C 221, 10.6.2021, p. 14.

(26)  Kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1.


ANNESS I

Elementi standard Ewropej li jiddeskrivu l-mikrokredenzjali

Dan l-anness jinkludi lista ta’ elementi standard komuni Ewropej li jiddeskrivu l-mikrokredenzjali rakkomandati bħala riżorsa li tappoġġa l-implimentazzjoni (1).

Elementi obbligatorji:

Identifikazzjoni tal-istudent

Titolu tal-mikrokredenzjali

Pajjiż(i)/Reġjun(i) tal-emittent

Korp(i) tal-għoti

Data tal-ħruġ

Eżiti tal-apprendiment

Ammont ta’ xogħol nozzjonali meħtieġ biex jinkisbu l-eżiti ta’ apprendiment (espress fi krediti ECTS, kull fejn possibbli)

Livell (u ċiklu, jekk applikabbli) tal-esperjenza ta’ apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjali (QEK, QF-EHEA), jekk applikabbli

Tip ta’ valutazzjoni

Forma ta’ parteċipazzjoni fl-attività ta’ apprendiment

Tip ta’ assigurazzjoni tal-kwalità użata biex tirfed il-mikrokredenzjali

Elementi fakultattivi, fejn rilevanti (lista mhux eżawrjenti)

Prerekwiżiti meħtieġa biex wieħed jirreġistra fl-attività ta’ apprendiment

Superviżjoni u verifika tal-identità matul il-valutazzjoni (mingħajr superviżjoni u mingħajr verifika tal-identità, bis-superviżjoni u mingħajr verifika tal-identità, bis-superviżjoni online jew fuq il-post, b’verifika tal-identità)

Grad miksub

Opzjonijiet ta’ integrazzjoni/ ta’ kumulabbiltà (mikrokredenzjali awtonomu, indipendenti/integrat, kumulabbli għal ma’ kredenzjali oħra)

Aktar informazzjoni

Dawn l-elementi standard ser jiddaħħlu f’mudell tad-data Ewropew (2) li jispeċifika format komuni għad-deskrizzjoni tal-mikrokredenzjali. Il-mudell tad-data ser ikun disponibbli bħala standard miftuħ li jrid jintuża mill-fornituri tal-mikrokredenzjali, fejn rilevanti, u li jista’ jappoġġa l-interoperabbiltà u skambju eħfef tad-data dwar il-mikrokredenzjali.

Il-Kummissjoni ser tiżviluppa l-mudell tad-data msejjes fuq l-elementi ta’ standard komuni elenkati hawn fuq. Dan il-mudell tad-data ser tiżviluppah:

i)

b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati;

ii)

skont il-ħtiġijiet tal-utenti u l-avvanzi teknoloġiċi;

iii)

skont il-bidliet fis-swieq tax-xogħol u;

iv)

bi qbil mal-approċċi eżistenti għall-provvediment ta’ edukazzjoni u taħriġ.

Dan il-mudell tad-data għandu l-għan li jappoġġa l-konsistenza tal-informazzjoni u juri valur miżjud ċar. Il-mudell tad-data għall-mikrokredenzjali ser jiġi jitwettaq skont id-Deċiżjoni Europass, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1)(b), 6(1)(d),u 6(2)(b), li diġà jirrikjedu li l-Kummissjoni tiżviluppa, tittestja u taġġorna l-istandards miftuħa.


(1)  L-użu tal-elementi standard Ewropej biex jiddeskrivu l-mikrokredenzjali ma jimplikax, fih innifsu, validazzjoni jew rikonoxximent uffiċjali, iżda huwa faċilitatur ewlieni għalihom.

(2)  Il-mudelli tad-data huma rappreżentazzjonijiet grafiċi u/jew lessiċi tad-data, li jispeċifikaw il-proprjetajiet, l-istruttura u l-interrelazzjonijiet tagħhom. Jintużaw bħala standards miftuħa, huma bla ħlas, trasparenti, u mibnija abbażi ta’ kunsens.


ANNESS II GĦALL-ANNESS

Prinċipji Ewropej għat-tfassil u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali

L-10 prinċipji ppreżentati hawn taħt jispeċifikaw in-natura tal-mikrokredenzjali u joffru gwida lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri dwar it-tfassil u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali u tas-sistemi għall-mikrokredenzjali. Il-prinċipji jenfasizzaw il-karatteristiċi ewlenin tal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali li jistgħu jippermettu l-fiduċja fil-mikrokredenzjali u l-kwalità tagħhom. Il-prinċipji huma universali u jistgħu jiġu applikati f’kwalunkwe qasam jew settur, jekk xieraq.

1

Kwalità

Il-mikrokredenzjali huma suġġetti għall-assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna mis-sistema li tipproduċihom (eż il-kuntest tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew tas-suq tax-xogħol li fih jiġu żviluppati u pprovduti l-mikrokredenzjali). Il-proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jridu jkunu adegwati għall-użu, dokumentati b’mod ċar u aċċessibbli u jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-istudenti u tal-partijiet ikkonċernati.

Fornituri: L-assigurazzjoni tal-kwalità esterna tissejjes primarjament fuq il-valutazzjoni tal-fornituri (aktar milli fuq il-korsijiet individwali) u fuq l-effettività tal-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità interni tagħhom.

Il-fornituri għandhom jiżguraw li l-assigurazzjoni tal-kwalità interna tkopri l-elementi kollha li ġejjin:

il-kwalità ġenerali tal-mikrokredenzjali infushom, imsejsa fuq l-istandards imsemmija hawn taħt;

il-kwalità tal-kors, fejn applikabbli, li jwassal għall-mikrokredenzjali;

il-feedback tal-istudenti dwar l-esperjenza tal-apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjali u;

il-feedback mill-pari, inkluż minn fornituri u minn partijiet ikkonċernati oħra, dwar l-esperjenza tal-apprendiment li twassal għall-mikrokredenzjali.

Standards: L-assigurazzjoni tal-kwalità esterna għandha titwettaq f’konformità ma’:

l-Anness IV tar-Rakkomandazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, fejn applikabbli;

l-Istandards u l-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, fejn applikabbli;

il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (il-Qafas EQAVET) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fejn applikabbli;

strumenti oħra ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, inkluż reġistri u tikketti, biex tinbena l-fiduċja pubblika fil-mikrokredenzjali, fejn applikabbli.

2

Trasparenza

Il-mikrokredenzjali jistgħu jitkejlu, jitqabblu u jinftiehmu b’informazzjoni ċara dwar l-eżiti tal-apprendiment, dwar l-ammont ta’ xogħol, il-kontenut, il-livell u l-offerta tal-apprendiment, skont dak li jkun rilevanti.

Ammont ta’ xogħol

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jużaw is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) u jikkonformaw mal-prinċipji fl-Anness V tar-Rakkomandazzjoni tal-QEK, fejn possibbli, biex juru l-ammont ta’ xogħol nozzjonali meħtieġ biex jinkisbu l-eżiti tal-apprendiment tal-mikrokredenzjali.

Il-fornituri li ma jużawx l-ECTS jistgħu jużaw sistemi jew tipi oħrajn ta’ informazzjoni li jistgħu jiddeskrivu b’mod effettiv l-eżiti tal-apprendiment u l-ammont ta’ xogħol, f’konformità mal-prinċipji fl-Anness V tar-Rakkomandazzjoni QEK.

Qafas/Sistemi tal-kwalifiki

Il-mikrokredenzjali jistgħu jiġu inklużi fl-oqfsa/sistemi nazzjonali tal-kwalifiki, fejn rilevanti, u konformi mal-prijoritajiet u mad-deċiżjonijiet nazzjonali. L-oqfsa/is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki huma msemmija fil-qafas Ewropew tal-kwalifiki u, għall-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja, awtoċertifikati fil-qafas tal-kwalifiki taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, li jista’ jkompli jappoġġa t-trasparenza tal-mikrokredenzjali u l-fiduċja fihom.

Informazzjoni dwar l-offerta tal-mikrokredenzjali

Is-sistemi għall-mikrokredenzjali għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti u ċara, biex jirfdu s-sistemi ta’ gwida għall-istudenti, f’konformità mal-prattiki nazzjonali u mal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati:

L-informazzjoni dwar il-fornituri tal-mikrokredenzjali tiġi ppubblikata fejn possibbli f’reġistri rilevanti eżistenti. Fejn hu possibbli l-fornituri tal-edukazzjoni għolja (u fornituri rilevanti oħra) għandhom jiddaħħlu fil-Bażi tad-data tar-Riżultati tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità Esterna (DEQAR), imsejsa fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità bi qbil mal-Istandards u mal-Linji Gwida għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (ESGQA);

L-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għall-mikrokredenzjali għandha tkun aċċessibbli u tingħadda faċilment permezz tal-pjattaformi rilevanti, fosthom il-Europass.

3

Rilevanza

Il-mikrokredenzjali għandhom jitfasslu u jinħarġu bħala kisbiet ta’ apprendiment immirati u distinti, u l-opportunitajiet ta’ apprendiment li jwasslu għalihom għandhom jiġu aġġornati skont il-ħtieġa, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ apprendiment li jkunu ġew identifikati.

Titħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjegaturi, is-sħab soċjali, il-fornituri l-oħrajn u l-utenti tal-mikrokredenzjali, biex tiżdied ir-rilevanza tal-mikrokredenzjali għas-suq tax-xogħol.

4

Valutazzjoni valida

L-eżiti tal-apprendiment tal-mikrokredenzjali huma vvalutati skont kriterji trasparenti.

5

Perkorsi ta’ apprendiment

Il-mikrokredenzjali huma maħsuba u maħruġa biex jappoġġaw perkorsi ta’ apprendiment flessibbli, inkluż il-possibbiltà li l-mikrokredenzjali jiġu ivvalidati, rikonoxxuti u “kkumulati” minn sistemi diversi.

Kumulabbiltà

Il-mikrokredenzjali huma mfassla biex ikunu modulari sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu mikrokredenzjali oħra biex jinħolqu kredenzjali akbar. Id-deċiżjonijiet dwar kif ser jiġu “kkumulati” jew kombinati l-kredenzjali huma f’idejn l-organizzazzjoni li tilqa’ (pereżempju l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjegaturi eċċ), bi qbil mal-prattiki tagħhom, u għandhom jappoġġaw il-miri u l-ħtiġijiet tal-istudent. L-ikkumular ma joħloqx intitolament awtomatiku għal kwalifika jew lawrja. Tali deċiżjonijiet jittieħdu minn awtoritajiet jew istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali f’konformità mal-proċessi tal-għoti tagħhom.

Validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali

Il-kisba ta’ mikrokredenzjali hija possibbli wara valutazzjoni tal-eżiti ta’ apprendiment, miksuba permezz ta’ kors speċifiku li jwassal għall-mikrokredenzjali, jew abbażi tal-valutazzjoni tal-eżiti ta’ apprendiment li jirriżultaw minn apprendiment mhux formali u informali.

6

Rikonoxximent

Il-mikrokredenzjali għandhom valur ta’ sinjalar ċar tal-eżiti tal-apprendiment għal moduli iżgħar ta’ apprendiment. Ir-rikonoxximent iwitti t-triq għal offerta usa’ ta’ esperjenzi ta’ apprendiment bħal dawn b’mod komparabbli madwar l-UE.

Il-mikrokredenzjali huma rikonoxxuti, fejn possibbli, mill-awtoritajiet kompetenti, għal finijiet akkademiċi, ta’ taħriġ jew ta’ impjieg, abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont l-elementi standard Ewropej (Anness I) u l-prinċipji għat-tfassil u l-ħruġ ta’ mikrokredenzjali (Anness II).

Meta l-mikrokredenzjali jinħarġu minn fornituri tal-edukazzjoni formali, dawn jiġu rikonoxxuti, fejn possibbli, abbażi ta’ proċeduri standard ta’ rikonoxximent użati fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki barranin u perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jiddefinixxu l-proċeduri ta’ rikonoxximent jew li jivverifikaw l-awtentiċità tad-dokumenti.

7

Portabbiltà

Il-mikrokredenzjali huma l-proprjetà tad-detentur tal-kredenzjali (l-istudent) u jistgħu jinħażnu u jitqassmu faċilment mid-detentur tal-kredenzjali, inkluż permezz ta’ kartieri diġitali siguri (eż. il-Europass), f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-infrastruttura għall-ħżin tad-data hija bbażata fuq standards miftuħa u mudelli tad-data. Dan jiżgura l-interoperabbiltà u l-iskambju bla xkiel tad-data, u jippermetti kontrolli bla xkiel tal-awtentiċità tad-data.

8

Iċċentrat fuq l-istudent

Il-mikrokredenzjali jitfasslu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-grupp tal-istudenti fil-mira. L-istudenti huma involuti fil-proċessi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità interni u esterni u l-feedback tagħhom jitqies bħala parti mit-titjib kontinwu tal-mikrokredenzjali.

9

Awtentiċità

Il-mikrokredenzjali fihom biżżejjed informazzjoni biex jiġu vverifikati l-identità tad-detentur tal-kredenzjali (l-istudent), l-identità legali tal-emittent, id-data u l-post tal-ħruġ tal-mikrokredenzjali.

10

Informazzjoni u gwida

L-informazzjoni u l-pariri dwar il-mikrokredenzjali għandhom jiġu inkorporati fis-servizzi ta’ gwida għall-apprendiment tul il-ħajja u għandhom jilħqu l-akbar grupp ta’ studenti possibbli, b’mod inklużiv, u jappoġġaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għażliet tal-karriera.


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/26


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2022

dwar kontijiet individwali tal-apprendiment

(2022/C 243/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin hija kruċjali għat-tisħiħ tal-kompetittività sostenibbli tal-Unjoni, għall-appoġġ għal irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 rikk fl-impjiegi u għall-iżgurar ta’ tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi soċjalment ġusti. Hekk kif is-swieq tax-xogħol jevolvu, il-persuni jeħtieġ li jżommu l-pass billi jtejbu l-ħiliet tagħhom. Ħiliet ġodda u aħjar joħolqu aktar opportunitajiet u jgħammru lill-persuni biex ikollhom rwol attiv fil-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà, fl-isfond tat-tibdil demografiku. Barra minn hekk, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti jistgħu jkunu għodda b’saħħithom fil-promozzjoni tal-ekwità soċjali u l-inklużjoni għal tranżizzjoni ġusta.

(2)

L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (1) jsostni li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għal taħriġ professjonali u kontinwu. L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pilastru”), ipproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017 (2), isostni li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxu b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Ir-raba’ prinċipju tal-Pilastru jittratta l-appoġġ attiv għall-impjiegi, biex jiġi sostnut id-dritt ta’ kull persuna għal assistenza f’waqtha u mfassal apposta biex itejjeb il-prospetti ta’ impjieg jew impjieg indipendenti. Il-ħames prinċipju tal-Pilastru, dwar l-impjieg sigur u adattabbli, jenfasizza li, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiema għandhom id-dritt igawdu minn trattament ġust u ugwali rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ.

(3)

Fil-25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew laqa’ b’sodisfazzjon il-miri ewlenin tal-Unjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021, u b’hekk appoġġa l-ambizzjoni li jiġi żgurat li, sal-2030, mill-anqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena. Madankollu, il-parteċipazzjoni f’apprendiment għall-adulti fl-Unjoni staġnat matul l-aħħar għaxar snin u 21 Stat Membru ma laħqux il-mira fil-livell tal-Unjoni għall-2020. B’kont meħud ta’ dan, il-Kunsill adotta r-Riżoluzzjoni dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim tal-adulti 2021-2030 (3) biex jappoġġa l-progress lejn il-mira ewlenija tal-Unjoni għall-apprendiment għall-adulti. Ħafna adulti, bħal dawk f’forom atipiċi ta’ xogħol, l-impjegati ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-persuni qiegħda, dawk inattivi u bi kwalifiki baxxi spiss ma jkunux jistgħu jilħqu l-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet.

(4)

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, adottata mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Lulju 2020, tappella għal rivoluzzjoni fil-ħiliet biex it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jinbidlu f’opportunitajiet għal irkupru ġust u fil-pront. Fost l-oħrajn, hija tħabbar li l-Kummissjoni ser tesplora l-kontijiet individwali tal-apprendiment bħala għodda biex tappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti fl-età tax-xogħol, filwaqt li tikkomplementa azzjonijiet oħra mmirati lejn l-impjegaturi u dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ.

(5)

Il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol ser ikunu meħtieġa fil-kuntest tal-bidla għal ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, kif stipulat skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew li l-għan tiegħu hija in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021“Lesti għall-Mira ta’ 55 %” tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-Unjoni jkollha l-ħaddiema bi kwalifiki għoljin li teħtieġ biex tibqa’ kompetittiva u tindika l-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet biex il-persuni jingħataw il-ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021 dwar id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa tagħraf in-nuqqas ta’ persunal b’ħiliet diġitali adegwati, kif ukoll l-iżbilanċ bejn il-ġeneri fost l-ispeċjalisti fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u l-gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM). Hija ttenni l-objettiv li jiġi żgurat li mill-anqas 80 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkollha mill-anqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2030, u tipproponi l-mira ta’ 20 miljun speċjalista tal-ICT impjegati, b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel ukoll sal-2030. Il-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2021 dwar il-perkors għad-Deċennju Diġitali tissuġġerixxi li jiġi stabbilit qafas biex jitmexxew ’il quddiem dawn l-objettivi. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 tat-30 ta’ Settembru 2020 jenfasizza li jenħtieġ li jintużaw mezzi teknoloġiċi biex tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà u tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-opportunitajiet ta’ apprendiment, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titlu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu l-pass u jgħinu fit-twettiq tat-tranżizzjonijiet doppji.

(8)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 (4) jistiednu lill-Istati Membri, filwaqt li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali u filwaqt li jirrispettaw ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali, biex jesploraw mudelli possibbli għal finanzjament pubbliku u privat tat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet fuq livell individwali, peress li l-finanzjament sostenibbli huwa speċjalment importanti fil-kuntest tan-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet, u jagħtu attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli u ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, u jappellaw lill-Kummissjoni biex, skont il-kompetenzi tagħha, tappoġġa lill-Istati Membri f’dawk l-isforzi.

(9)

L-appoġġ finanzjarju insuffiċjenti għall-individwi huwa wieħed mill-ostakli ewlenin li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni fl-apprendiment. B’mod ġenerali, l-investimenti pubbliċi u privati ma humiex suffiċjenti. Il-biċċa l-kbira tat-taħriġ relatat mal-impjiegi fl-UE huwa sponsorjat mill-impjegatur. Madankollu, ħafna kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, ma jipprovdux jew ma jiffinanzjawx taħriġ għall-persunal tagħhom, u individwi f’xogħol atipiku għandhom anqas jew ma għandhom ebda aċċess għal taħriġ sponsorjat mill-impjegatur. Tali inugwaljanzi jistgħu jimminaw il-benesseri u s-saħħa tal-individwi, inaqqsu l-kompetittività ekonomika, jirriżultaw f’opportunitajiet mitlufa u f’ostakli għall-innovazzjoni u hemm ir-riskju li jħallu lill-persuni lura fit-tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi aktar sostenibbli.

(10)

Minbarra l-kostijiet diretti, ir-restrizzjonijiet taż-żmien huma fattur importanti li jipprevjeni lill-adulti milli jfittxu t-taħriġ. Filwaqt li fil-maġġoranza tal-Istati Membri jeżistu arranġamenti għal leave mħallas għal taħriġ (5), l-għarfien dwar il-leave għal taħriġ u l-użu tiegħu minn adulti f’età tax-xogħol huma spiss baxxi, u l-arranġamenti ħafna drabi ma jkoprux lill-ħaddiema atipiċi jew ma jippermettux lill-adulti jfittxu edukazzjoni u taħriġ matul perjodi ta’ qgħad jew ta’ attività ekonomika baxxa.

(11)

Ħafna adulti, speċjalment fost dawk bi kwalifiki baxxi u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, ma humiex motivati biex jieħdu t-taħriġ. Dawn jistgħu ma jkunux konxji tal-ħtiġijiet tagħhom b’rabta mal-ħiliet, u jistgħu ma jkunux jafu jekk ikunux disponibbli appoġġ u taħriġ, jew ikunux ta’ kwalità tajba u rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-persuni jistgħu ma jkunux motivati biex jinvolvu ruħhom f’taħriġ li jkun intgħażel mingħajr ma ġew ikkonsultati u li ma jkunx imfassal skont il-ħtiġijiet tagħhom.

(12)

Huwa meħtieġ approċċ ġdid fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fl-Unjoni. Dan jenħtieġ li jikkomplementa l-istrumenti eżistenti u jsegwi l-impenji politiċi billi jawtonomizza lill-individwi u jagħtihom l-appoġġ u l-għodod li jeħtieġu biex itejbu l-ħiliet jew jitħarrġu mill-ġdid, fil-livelli kollha tal-ħiliet.

(13)

Fl-opinjoni tiegħu tas-16 ta’ Awwissu 2021 dwar l-inizjattiva tal-Unjoni dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u t-tisħiħ tal-għoti tat-taħriġ fl-Ewropa, il-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT) jargumenta li inizjattiva bħal din jenħtieġ li tikkontribwixxi għal aktar involviment, motivazzjoni u parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-isfida ewlenija hija li jittejjeb it-tqabbil tal-ħiliet u l-impjiegi u li jiġi żgurat l-aċċess għal għażliet diversifikati ta’ taħriġ ta’ kwalità permezz tal-għoti ta’ taħriġ aktar rilevanti u mmirat aħjar. L-ACVT jenfasizza fl-opinjoni tiegħu li l-għażla ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament u inċentivi mfassla apposta skont il-grupp fil-mira fil-livell nazzjonali għandha ssegwi l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet nazzjonali.

(14)

Approċċ wieħed possibbli biex jiġu indirizzati l-problemi deskritti hawn fuq huwa li n-nies jingħataw appoġġ dirett permezz ta’ intitolamenti għat-taħriġ fil-kontijiet individwali tal-apprendiment. Dan jinvolvi wkoll l-istabbiliment ta’ qafas ġenerali ta’ abilitazzjoni li jagħti lill-individwi aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ, informazzjoni, gwida, leave mħallas għal taħriġ u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-taħriġ. Dan l-approċċ jista’ jikkomplementa inizjattivi eżistenti fil-livell nazzjonali.

(15)

Huwa rrakkomandat li jiġi definit intitolament individwali għat-taħriġ fil-livell nazzjonali, f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tan-nies (6), u b’kont meħud ta’ strumenti eżistenti oħra. Il-modulazzjoni tal-finanzjament skont il-ħtiġijiet tista’ żżid l-effiċjenza tal-inizjattiva. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu intitolamenti addizzjonali għat-taħriġ għall-individwi l-aktar fil-bżonn, skont il-kuntest nazzjonali u s-suq tax-xogħol li qed jinbidel. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-kontijiet individwali tal-apprendiment f’setturi strateġiċi (7), biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Minbarra l-intitolamenti finanzjarji, ir-rilevanza, l-utilità u r-rikonoxximent tat-taħriġ huma fatturi ewlenin li jaffettwaw il-parteċipazzjoni fit-titjib tal-kompetenzi u t-taħriġ mill-ġdid. Huwa wkoll rrakkomandat li s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati dwar dawn il-kwistjonijiet.

(16)

Jenħtieġ li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jippermettu lill-persuni jakkumulaw u jużaw l-intitolamenti għat-taħriġ fuq perjodu stabbilit, li għandu jiġi definit fil-livell nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jieħdu taħriġ aktar fit-tul jew aktar għali jew jitħarrġu matul tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’reazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet emerġenti. Jenħtieġ li l-individwi jkunu jistgħu jżommu l-intitolamenti tagħhom għal taħriġ individwali indipendentement mis-sitwazzjoni tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom u matul bidliet fil-karriera. L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu regoli għall-iskadenza tal-intitolamenti li jagħtu inċentiv lill-istudenti biex jagħmlu użu sħiħ mill-intitolamenti tagħhom.

(17)

Jenħtieġ li tiġi promossa l-possibbiltà li tiġi permessa l-preservazzjoni tal-intitolamenti individwali għat-taħriġ matul perjodi li fihom l-individwu jgħix fi Stat Membru ieħor, jew l-użu ta’ intitolamenti individwali għat-taħriġ għall-aċċess għal taħriġ rikonoxxut u ta’ kwalità assigurata mir-reġistru nazzjonali tal-kont tal-apprendiment tagħhom minn barra l-pajjiż. It-trasferibbiltà tal-intitolamenti bejn l-Istati Membri hija karatteristika mixtieqa fuq perjodu fit-tul, li jeħtieġ li tiġi eżaminata aktar, b’kont meħud tal-impatti possibbli fuq is-swieq nazzjonali tax-xogħol.

(18)

Biex l-individwi jiġu megħjuna jidentifikaw perkors ta’ taħriġ xieraq u b’hekk tiżdied il-motivazzjoni tagħhom biex jitgħallmu, jeħtieġ li jkun disponibbli aċċess għall-opportunitajiet ta’ gwida professjonali u l-validazzjoni tal-karriera. Hemm ukoll il-ħtieġa għal reġistri pubbliċi aġġornati ta’ taħriġ rikonoxxut permezz ta’ portali diġitali nazzjonali uniċi apposta aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għall-persuni b’diżabilità, u, preferibbilment, b’interkonnessjoni xierqa mal-pjattaforma Europass.

(19)

Huwa rrakkomandat li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jintużaw biex tiġi aċċessata l-validazzjoni, inkluż l-opportunitajiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet. L-evalwazzjoni reċenti mill-Kummissjoni tal-ħidma mwettqa skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali (8) tindika progress sostanzjali, iżda tidentifika wkoll sfidi persistenti u tinnota r-risposti proposti. B’mod partikolari, huwa neċessarju li l-individwi jingħataw appoġġ imfassal apposta, u li tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi ta’ gwida u tfassil effettiv ta’ inizjattivi ta’ validazzjoni għall-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli. L-Istati Membri huma mistiedna jinkoraġġixxu l-għoti ta’ mikrokredenzjali fejn rilevanti, abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 dwar il-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (9).

(20)

Din ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ leave mħallas għal taħriġ. L-għoti xieraq ta’ leave mħallas għal taħriġ jippermetti lill-ħaddiema jżommu s-salarju tagħhom jew dħul sostituttiv matul perjodi ta’ taħriġ. L-Istati Membri huma mistiedna jidħlu fi djalogu mas-sħab soċjali dwar arranġamenti li jippermettu lill-impjegati jipparteċipaw f’taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol bl-użu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom, b’kont meħud tal-possibiltajiet u l-iskemi nazzjonali tat-taħriġ. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li titqies ukoll is-sitwazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi.

(21)

Attivitajiet u kampanji usa’ ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies huma kruċjali biex jittejbu b’mod sinifikanti r-rati ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fl-opportunitajiet ta’ apprendiment, b’mod partikolari fost gruppi b’għarfien baxx dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, bħal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, ibbażata fuq il-fehim komuni li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid huma mezz ta’ investiment, tista’ żżid l-effettività tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies. L-attenzjoni għall-aċċessibbiltà għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-adulti b’diżabilità.

(22)

Il-monitoraġġ fil-livell nazzjonali, u t-titjib kontinwu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u tal-qafas ta’ abilitazzjoni, huma kruċjali biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. L-aġġustamenti sussegwenti jistgħu jikkonċernaw l-ammont ta’ intitolamenti għat-taħriġ individwali, il-gruppi ta’ prijorità jew l-integrazzjoni faċli għall-utent tad-diversi elementi tal-qafas ta’ abilitazzjoni.

(23)

Finanzjament adegwat huwa karatteristika ewlenija ta’ skemi ta’ suċċess għall-kontijiet individwali tal-apprendiment. Skema nazzjonali ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment tista’ tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn diversi sorsi ta’ finanzjament, bħall-awtoritajiet pubbliċi, l-impjegaturi u l-fondi ġestiti mis-sħab soċjali, billi tippermetti li diversi sorsi ta’ finanzjament jikkontribwixxu għall-konti individwali tal-apprendiment. Taħlita ta’ sorsi pubbliċi u privati ta’ finanzjament għandha tiżgura s-sostenibbiltà tal-inizjattiva fl-Istati Membri, li hija fundamentali għas-suċċess tagħha. Tali taħlita ta’ sorsi ta’ finanzjament tiffaċilita l-modulazzjoni tal-appoġġ u ż-żidiet mill-impjegaturi għall-impjegati tagħhom, jew b’mod volontarju jew bħala riżultat ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv.

(24)

Fondi tal-Unjoni li jappoġġaw skemi ta’ apprendiment għall-adulti, bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus (10), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (11) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (12) kif ukoll, fejn rilevanti, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (13) taħt Next Generation EU u l-għarfien espert imfassal apposta permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (14) , jistgħu jappoġġaw l-istabbiliment tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta’ abilitazzjoni tagħhom. L-apprendiment reċiproku, iffaċilitat mill-Kummissjoni, jista’ jappoġġa wkoll il-proċess.

(25)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u għad-distribuzzjoni tal-kompetenzi f’kull Stat Membru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fir-rigward tal-finanzjament, kif ukoll għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi tagħhom ta’ apprendiment u taħriġ għall-adulti. Hija ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet oħra jew aktar avvanzati dwar l-apprendiment u t-taħriġ għall-adulti minn dawk rakkomandati f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(26)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-tfassil tar-riformi. Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta b’mod sħiħ l-awtonomija tas-sħab soċjali, inkluż fejn dawn ikunu responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ skemi ta’ taħriġ.

(27)

Il-miżuri deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni ma jissostitwixxux l-għoti ta’ taħriġ mill-impjegaturi, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi jew fornituri oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u mhumiex maħsuba biex jinterferixxu fih, u lanqas ma għandhom jissostitwixxu l-appoġġ pubbliku għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew tipi oħra ta’ appoġġ. Jenħtieġ li l-piż amministrattiv addizzjonali jiġi minimizzat.

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

Objettivi

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-inizjattivi tal-Istati Membri biex aktar adulti fl-età tax-xogħol ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fit-taħriġ sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet. B’hekk hija tikkontribwixxi għall-objettiv tal-Unjoni li tippromwovi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal impjieg sħiħ u progress soċjali. B’mod speċifiku, hija għandha l-għan li:

(a)

tappoġġa lill-adulti kollha fl-età tax-xogħol biex ikollhom aċċess għat-taħriġ, inkluż għat-tranżizzjonijiet professjonali u irrispettivament mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom;

(b)

iżżid l-inċentivi u l-motivazzjoni tal-individwi biex ifittxu taħriġ.

2.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jikkunsidraw li jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment bħala mezz possibbli biex l-individwi jkunu jistgħu jieħdu sehem f’taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol. Sa fejn jiddeċiedu li jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas ta’ abilitazzjoni, inkluż opportunitajiet ta’ gwida u ta’ validazzjoni, biex jippromwovu l-adozzjoni effettiva ta’ dak it-taħriġ, kif stipulat f’din ir-Rakkomandazzjoni.

Kamp ta’ applikazzjoni

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-adulti fl-età tax-xogħol li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, indipendentement mil-livell ta’ edukazzjoni u mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali attwali tagħhom. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu kont individwali tal-apprendiment għal kull persuna li tappartjeni għal dan il-grupp, f’konformità mal-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

Huwa rrakkomandat li l-ħaddiema tal-fruntiera u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jaħdmu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn jirrisjedu legalment ikunu koperti fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

Definizzjonijiet

4.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“intitolament ta’ taħriġ individwali” tfisser id-dritt ta’ aċċess għal baġit personali għad-dispożizzjoni ta’ individwu biex ikopri l-kostijiet diretti ta’ taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, ta’ gwida u konsulenza, u ta’ valutazzjoni jew validazzjoni tal-ħiliet, li huma eliġibbli għall-finanzjament;

(b)

“kont individwali tal-apprendiment” huwa mod għall-għoti ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Dan huwa kont personali li jippermetti lill-individwi jakkumulaw u jippreżervaw l-intitolamenti tagħhom maż-żmien, sabiex jużawhom għal kwalunkwe opportunità eliġibbli ta’ taħriġ, gwida jew validazzjoni li huma jqisu l-aktar utli u kull meta jkunu jridu, f’konformità mar-regoli nazzjonali. Huwa jagħti lill-individwu sjieda sħiħa tal-intitolamenti, irrispettivament mis-sors ta’ finanzjament;

(c)

“trasferibbiltà” tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tfisser li, ladarba jingħataw, dawn l-intitolamenti jibqgħu fil-pussess tal-individwu kkonċernat, inkluż matul tranżizzjonijiet bejn impjiegi, minn impjieg għall-apprendiment, minn impjieg għall-qgħad, u bejn attività u inattività;

(d)

“qafas ta’ abilitazzjoni” jinkludi l-appoġġ li jippromwovi l-użu effettiv tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Dan jinkludi opportunitajiet ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni, reġistru nazzjonali tal-opportunitajiet li huma eliġibbli għal finanzjament mill-intitolamenti ta’ taħriġ individwali, portal diġitali nazzjonali uniku biex jiġi aċċessat il-kont individwali tal-apprendiment u r-reġistru nazzjonali, u leave mħallas għal taħriġ.

Kont individwali tal-apprendiment

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri, f’konformità mal-prattiki u l-ħtiġijiet nazzjonali:

5.

jistabbilixxu kont individwali tal-apprendiment, li jista’ jikkomplementa miżuri oħra li jkunu diġà fis-seħħ, għal kull individwu kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni wara li jkunu kkonsultaw lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

6.

jiżguraw għoti annwali adegwat għal kull kont individwali tal-apprendiment li jista’ jiġi akkumulat u użat matul perjodu stabbilit, biex jippermettu taħriġ aktar sostanzjali;

7.

jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali jew settorjali, l-istatus tal-forza tax-xogħol jew tal-kuntratt jew tal-livell ta’ kwalifika tal-individwu, u abbażi ta’ kwalunkwe ċirkostanza rilevanti oħra, u f’konformità ma’ kriterji ċari u trasparenti, wara li jkunu kkonsultaw lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

8.

jistiednu lill-impjegaturi biex jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet individwali tal-apprendiment tal-ħaddiema tagħhom u ta’ persuni oħra li jaħdmu fil-katina tal-valur tagħhom, b’mod partikolari dawk li jaħdmu f’SMEs, mingħajr ma jinterferixxu fit-taħriġ mogħti fuq il-post tax-xogħol;

9.

jistiednu lis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi biex jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet individwali tal-apprendiment tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid;

10.

jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li bihom l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali jistgħu jiġu akkumulati u maħżuna, bil-għan li jinstab bilanċ bejn li l-individwi jitħallew jakkumulaw l-intitolamenti tagħhom biex jiffinanzjaw korsijiet ta’ taħriġ itwal u li l-individwi jiġu mħeġġa jagħmlu użu regolari mill-intitolamenti tagħhom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu ta’ żmien u ammont massimu għall-akkumulazzjoni u l-ħżin;

11.

jippromwovu l-possibbiltà li l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali li jinsabu f’kont fi Stat Membru jkunu jistgħu jintużaw għal opportunitajiet eliġibbli ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni f’dak l-Istat Membru, anke matul perjodi li fihom l-individwu jkun qed jirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor.

Qafas ta’ abilitazzjoni

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri li jintroduċu l-kontijiet individwali tal-apprendiment jinkorporawhom f’qafas ta’ abilitazzjoni li jinkludi:

Gwida għall-karriera u validazzjoni

12.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni, inkluż l-opportunitajiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet, b’mod fiżiku jew online, ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kull sid ta’ kont individwali tal-apprendiment, mingħajr ħlas jew bl-użu tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tagħhom, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (15).

Reġistru nazzjonali ta’ opportunitajiet ta’ kwalità u eliġibbli għal taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni

13.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu aġġornat reġistru pubbliku ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni li jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-intitolamenti ta’ taħriġ individwali (16). Dan ir-reġistru għandu jinkludi wkoll is-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni pprovduti mill-Istati Membri mingħajr ħlas għall-individwi.

14.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu u jippubblikaw regoli ċari biex fir-reġistru jiġu inklużi diversi forom ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni, abbażi ta’ rekwiżiti trasparenti ta’ kwalità u informazzjoni dwar il-ħiliet u f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Huma għandhom jirrieżaminaw ir-regoli b’mod regolari biex jippromwovu r-rispons għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

15.

Huwa rrakkomandat li, fejn xieraq, l-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tal-opportunitajiet ta’ apprendiment formali u mhux formali biex jiżviluppaw u jwessgħu l-offerta tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, inkluż pereżempju billi jipprovdu mikrokredenzjali, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni dwar il-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà, u bl-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza tal-Unjoni u nazzjonali.

16.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistiednu lis-sħab soċjali, lis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jipparteċipaw fil-proċess tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-taħriġ inkluż fir-reġistru.

17.

Huwa rrakkomandat li, fejn rilevanti, l-Istati Membri jiftħu r-reġistru nazzjonali tagħhom b’mod trasparenti għall-opportunitajiet ta’ taħriġ offruti minn fornituri f’pajjiżi oħra.

Portal diġitali nazzjonali uniku li jappoġġa l-kontijiet individwali tal-apprendiment

18.

L-Istati Membri huma mistiedna jippermettu u jgħinu lill-individwi biex jaċċessaw il-kont individwali tal-apprendiment tagħhom u jinnavigaw faċilment fir-reġistru permezz ta’ awtentikazzjoni elettronika sigura fuq portal diġitali nazzjonali uniku (17) aċċessibbli (18) li jkun jista’ jiġi aċċessat faċilment minn apparati mobbli u li, preferibbilment, ikun interkonness mal-pjattaforma tal-Europass.

Leave mħallas għal taħriġ

19.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jidħlu fi djalogu mas-sħab soċjali dwar arranġamenti li jippermettu lill-impjegati jipparteċipaw f’taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol bl-użu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom.

20.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jintroduċu dispożizzjonijiet dwar leave mħallas għal taħriġ jew dwar sostituzzjoni tal-introjtu jew jirrevedu l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet eżistenti, filwaqt li jqisu:

(a)

l-applikazzjoni tagħhom għal kull tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg, u għal dawk li jaħdmu għal rashom;

(b)

l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-impjegaturi (b’mod partikolari l-SMEs) li l-impjegati tagħhom jagħmlu użu mil-leave mħallas għal taħriġ;

(c)

il-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Ħidma biex jintlaħqu n-nies u sensibilizzazzjoni

21.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jwettqu, b’mod konġunt mas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali u atturi rilevanti oħra, attivitajiet u kampanji ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u sensibilizzazzjoni b’mod mifrux, imfassla skont il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji potenzjali tal-iskema għall-kontijiet individwali tal-apprendiment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid kif definit fil-livell nazzjonali, biex l-individwi eliġibbli jiġu infurmati u motivati rigward id-drittijiet u l-benefiċċji tagħhom li jikkonċernaw il-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta’ abilitazzjoni. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għandhom jindirizzaw ukoll, fost l-oħrajn, lill-ħaddiema fl-SMEs.

Monitoraġġ u titjib kontinwu

22.

L-Istati Membri li jintroduċu kontijiet individwali tal-apprendiment huma mħeġġa jimmonitorjaw u jevalwaw it-tħaddim ta’ tali kontijiet u tal-qafas ta’ abilitazzjoni, u jagħmlu aġġustamenti kif meħtieġ sabiex l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu bl-aktar mod effiċjenti, pereżempju fir-rigward tal-ammont ta’ intitolamenti ta’ taħriġ, tad-definizzjoni tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid u tal-integrazzjoni faċli tad-diversi elementi tal-qafas ta’ abilitazzjoni. Is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom jiġu kkonsultati f’dak il-proċess.

Finanzjament

23.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw il-finanzjament adegwat u sostenibbli tal-kontijiet individwali tal-apprendiment, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u miżuri oħra diġà fis-seħħ, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs.

24.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw it-taħlita ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament pubbliċi u privati sabiex jikkontribwixxu għall-intitolamenti ta’ taħriġ individwali, inkluż bħala eżitu ta’ negozjar kollettiv.

25.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw finanzjament sostenibbli għall-qafas ta’ abilitazzjoni u għall-attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta’ sensibilizzazzjoni msemmija f’din ir-Rakkomandazzjoni.

26.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-użu massimu u l-aktar effiċjenti mill-fondi u mill-istrumenti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, sabiex:

(a)

jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment nazzjonali, inkorporati f’qafas ta’ abilitazzjoni, inkluż billi jiżviluppaw portal diġitali nazzjonali uniku għall-kontijiet individwali tal-apprendiment u għas-servizzi rikonoxxuti relatati, u joħolqu reġistri nazzjonali ta’ taħriġ rikonoxxut;

(b)

jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, li jirriflettu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-prijoritajiet tal-Unjoni inkluż għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali;

(c)

jistabbilixxu u jipprovdu opportunitajiet ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni;

(d)

jorganizzaw attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.

Appoġġ tal-Unjoni

27.

Il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni, f’konformità mal-kompetenza tal-Kummissjoni u bir-rispett dovut għas-sussidjarjetà, li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), billi:

(a)

tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri b’appoġġ għat-tfassil u t-twettiq ta’ miżuri xierqa għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(b)

tespandi l-bażi tal-għarfien dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u kwistjonijiet relatati u tiżviluppa materjal ta’ gwida rilevanti;

(c)

tesplora, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, aktar żviluppi fil-pjattaforma tal-Europass, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-portali diġitali nazzjonali uniċi għall-kontijiet individwali tal-apprendiment, u tagħti viżibilità lill-opportunitajiet ta’ apprendiment, ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni li fir-rigward tagħhom jistgħu jintużaw id-diversi intitolamenti ta’ taħriġ individwali nazzjonali.

Rappurtar u evalwazzjoni

28.

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu passi biex jilħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 1 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Il-progress lejn dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-monitoraġġ juża l-informazzjoni diġà miġbura permezz ta’ oqfsa oħra ta’ monitoraġġ u tevita d-duplikazzjonijiet, sabiex tillimita l-piż amministrattiv.

29.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati u wara li tikkonsulta lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, u tirrapporta lill-Kunsill sa 17 ta’ Ġunju 2027.

Magħmul fil-Lussemburgu, 16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

O. DUSSOPT


(1)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(2)  ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(3)  ĠU C 504, 14.12.2021, p. 9.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar it-Taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali (ST 8682/20).

(5)  24 Stat Membru għandhom arranġamenti ta’ leave għal taħriġ u 12-il Stat Membru huma firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Leave Bi Ħlas għall-Edukazzjoni (sitwazzjoni f’Marzu 2022).

(6)  L-intitolamenti għat-taħriġ jistgħu, pereżempju, jippermettu attivitajiet ta’ taħriġ rikonoxxuti b’valur ta’ 30 siegħa fis-sena għall-individwi kollha u ta’ 50 siegħa għall-individwi l-aktar fil-bżonn.

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 intitolata –“Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” tirreferi għal 14-il ekosistema industrijali għal appoġġ speċifiku, inkluż dwar l-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol attwali u futura tagħhom.

(8)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(9)  Ara l-paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(11)  Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231 30.6.2021, p. 60).

(12)  Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231 30.6.2021, p. 1).

(13)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57 18.2.2021, p. 17).

(14)  Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

(15)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(16)  L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu dan ir-reġistru kompatibbli mal-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew, mudell ta’ data li għandu l-għan li jistandardizza l-mod li bih id-data dwar l-apprendiment tiġi kondiviża u ppreżentata. Il-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew jista’ jintuża f’kuntesti ta’ apprendiment differenti bħal pereżempju għad-deskrizzjoni tal-opportunitajiet ta’ apprendiment, il-kwalifiki, il-kredenzjali u l-akkreditazzjoni. Huwa jibni fuq l-oqsma ta’ data deskritti fl-Anness VI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15).

(17)  Tali portali jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 dwar Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

(18)  F’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/35


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2022

dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika

(2022/C 243/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 166(4), u l-Artikolu 292 flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu.

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra jeħtieġ li jitnaqqsu b’mod urġenti, b’mod partikolari sabiex titnaqqas iż-żieda fil-livell tal-baħar u l-probabbiltà ta’ avvenimenti estremi tat-temp li diġà jaffettwaw lil kull reġjun madwar id-dinja (1) u sabiex jitnaqqsu l-kostijiet ekonomiċi u soċjali assoċjati mal-effetti tat-tisħin globali (2). L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi adottat fil-15 ta’ Diċembru 2015 taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (“il-Ftehim ta’ Pariġi”) (3), li jorbot lill-Partijiet tiegħu sabiex iżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm anqas minn 2°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u sabiex isegwu sforzi sabiex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1.5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali.

(2)

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jippreżentaw theddid serju li jeħtieġ azzjoni urġenti, kif affermat mill-ġdid reċentement fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) fuq il-Bażi tax-Xjenza Fiżika. It-tbatija tal-bniedem u t-telf ekonomiku li jirriżultaw minn avvenimenti estremi aktar frekwenti relatati mal-klima, bħall-għargħar, il-mewġ tas-sħana, in-nixfiet u n-nirien fil-foresti, qegħdin isiru aktar komuni. Fl-Unjoni, dak it-telf diġà jammonta għal medja ta’ aktar minn EUR 12-il biljun fis-sena (4).

Dak it-telf jista’ jilħaq EUR 175 biljun addizzjonali, li huwa 1.38 % tal-PDG tal-Unjoni, fis-sena jekk it-tisħin globali jilħaq 3 C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, meta mqabbel ma’ EUR 65 biljun għal 2°C u EUR 36 biljun fis-sena għal 1.5°C. Dan jagħmel ħsara sproporzjonata lil ċerti gruppi, b’mod partikolari persuni li diġà jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u reġjuni li diġà qed jiffaċċjaw sfidi.

(3)

Il-komumikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (“il-Patt Ekoloġiku Ewropew”) jistabbilixxi l-istrateġija sabiex l-Unjoni ssir l-ewwel kontinent b’newtralità klimatika u jittrasforma l-Unjoni f’soċjetà sostenibbli, aktar ġusta u aktar prospera li tirrispetta l-limiti tal-pjaneta. Il-ħtieġa għal tranżizzjoni ġusta hija parti integrali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, li enfasizza li l-ebda persuna u l-ebda post ma jenħtieġ li jitħallew lura. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (5) tistabbilixxi objettiv vinkolanti għall-Unjoni kollha ta’ newtralità klimatika sal-2050 u mira intermedja vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku nett fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. It-tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2030 (6) għandu l-għan li jaċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima, sostenibbli, mhux tossika, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, reżiljenti u kompetittiva b’mod ġust, ekwu u inklużiv, u li jipproteġi, jirrestawra u jtejjeb l-istat tal-ambjent.

(4)

Fid-dawl tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2020 intitolata “il-Pjan REPowerEU” (il “Pjan REPowerEU”), f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, jistabbilixxi miżuri biex titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili mir-Russja billi jiġu diversifikati l-provvisti tal-gass u titnaqqas b’mod aktar rapidu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta’ pompi solari, tar-riħ u tas-sħana, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, u l-għoti ta’ permessi aktar malajr ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

(5)

It-trasformazzjoni għal ekonomija u għal soċjetà b’newtralità klimatika teħtieġ azzjoni ta’ politika komprensiva u investiment sostanzjali f’ħafna oqsma, bħall-azzjoni klimatika, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni (7). Sabiex tintlaħaq il-mira vinkolanti fil-livell tal-Unjoni għall-2030, fl-14 ta’ Lulju 2021 il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “‘Lesti għall-mira ta’ 55 ’: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika” kif ukoll għadd ta’ proposti leġiżlattivi simili, (“il-pakkett ‘Lesti għall-mira ta’ 55’”. Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 ” jinkludi proposti biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) (8), id-Direttivi dwar it-tassazzjoni tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, ir-Regolament dwar l-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, ir-Regolament dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, id-Direttiva dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, u r-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (ESR) fir-rigward tas-setturi barra mill-EU ETS attwali, jiġifieri s-setturi tat-trasport u tal-binjiet.

Huwa jinkludi proposti għal leġislazzjoni ġdida, b’mod partikolari sabiex jiġi appoġġat l-użu ta’ fjuwils aktar nodfa fis-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu, kif ukoll sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri u biex jiġi stabbilit Fond Soċjali għall-Klima, li huwa direttament relatat mal-introduzzjoni proposta ta’ sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-fjuwils użata fil-binjiet u fit-trasport bit-triq. Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, flimkien ma’ miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu appoġġati u inċentivati l-investimenti pubbliċi u privati meħtieġa, huwa mmirat sabiex jgħin biex jiġi appoġġat u aċċellerat it-tkabbir ta’ swieq ġodda, pereżempju għal fjuwils nodfa u vetturi b’emissjonijiet baxxi, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet tat-tranżizzjoni sostenibbli kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini.

(6)

Fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2019 il-Kunsill Ewropew impenja ruħu, fl-Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024” tiegħu, sabiex jiżgura tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika li hija inklużiva u li ma tħalli ’l ħadd lura. Fil-livell internazzjonali, l-Istati Membri approvaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u rratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi, li jirreferu għall-ħtiġijiet ta’ tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta’ xogħol deċenti u impjiegi ta’ kwalità, kif ukoll il-ħtieġa li l-adattament u l-bini tal-kapaċità jkunu reattivi għal kwistjonijiet ta’ ġeneru. Il-Linji Gwida tal- Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol jipprovdu qafas ta’ politika stabbilit fil-livell internazzjonali għal tranżizzjoni ġusta lejn ekonomiji u soċjetajiet ambjentalment sostenibbli għal kulħadd (9). Barra minn hekk, 54 firmatarju (pajjiżi u sħab soċjali) approvaw id-“Dikjarazzjoni ta’ Silesia dwar is-Solidarjetà u t-Tranżizzjoni Ġusta” (10), li ġiet adottata fl-24 Konferenza tal-Partijiet (COP) tal-UNFCCC f’Katowice, inkluż il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u 21 Stat Membru individwali. L-Unjoni u għaxar Stati Membri ffirmaw id-Dikjarazzjoni “Appoġġ tgħall-Kondizzjonijiet għal Tranżizzjoni Ġusta fuq livell Internazzjonali”, adottata fis-26 COP tal-UNFCCC fi Glasgow, b’impenn li tiġi inkluża informazzjoni dwar tranżizzjoni ġusta fir-Rapporti ta’ Trasparenza Biennali fil-kuntest tar-rapportar dwar il-politiki u l-miżuri tagħhom sabiex jinkisbu l-Kontribuzzjonijiet Stabbiliti fil-livell Nazzjonali tagħhom.

(7)

Il-ġustizzja u s-solidarjetà huma prinċipji fundamentali tal-politiki tal-Unjoni lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u rekwiżiti għall-appoġġ pubbliku wiesa’ u sostnut tagħha. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jenfasizza li t-tranżizzjoni trid tkun ġusta u inklużiva, u trid tpoġġi lin-nies l-ewwel u tagħti attenzjoni partikolari għall-appoġġ ta’ dawk ir-reġjuni, l-industriji, il-ħaddiema, l-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi li ser jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Jannar 2020, bit-titolu “Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti” tenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ser tagħti lill-Ewropa l-għodod sabiex tistinka għal aktar fir-rigward tal-konverġenza f’livelli ogħla, il-ġustizzja soċjali u l-prosperità kondiviża. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli tqiegħed il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti madwar id-dinja fil-qalba ta’ tranżizzjoni ġusta u rkupru inklużiv, sostenibbli u reżiljenti mill-pandemija.

(8)

Il-komumikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (11) jenfasizza li l-unità, il-koordinazzjoni u s-solidarjetà huma meħtieġa biex nimxu ‘l quddiem lejn deċennju aktar ekoloġiku u diġitali li fih l-Ewropej jistgħu jirnexxu. Huwa ppropona tliet miri ewlenin tal-UE għall-2030, jiġifieri: li mill-anqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li tkun f’impjieg sal-2030 (12); li mill-anqas 60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena (13); u li n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali jenħtieġ li jitnaqqas b’mill-anqas 15-il miljun sal-2030 (14). Dawk il-miri ewlenin tal-2030 intlaqgħu mill-mexxejja tal-Unjoni fid-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021 fil-laqgħa informali tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern f’Porto fis-7-8 ta’ Mejju 2021 u mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Ġunju 2021.

(9)

Permezz tal-istabbiliment ta’ politiki ta’ akkumpanjament xierqa (15), it-tranżizzjoni ekoloġika tista’, b’mod aggregat, toħloq madwar miljun impjieg ta’ kwalità addizzjonali (16) fl-Unjoni sal-2030 u 2 miljuni sal-2050 (17), f’setturi bħal dawk tal-kostruzzjoni, teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICT”) jew tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jittaffa t-tnaqqis fit-tul ta’ impjiegi li jirrikjedu ħiliet medji bħala riżultat tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Madankollu, f’xenarju pessimistiku, l-impatti tat-tranżizzjoni ekoloġika lejn in-newtralità klimatika jekk mhux appoġġati minn taħlita adegwata ta’ politika jistgħu jimplikaw telf ta’ impjiegi u tal-PDG sa 0.39 % fl-Unjoni, u telf ta’ impjiegi sa 0.26 % (18).

(10)

L-impatti tat-tranżizzjoni ekoloġika fuq in-negozju u l-impjiegi ser ivarjaw skont is-settur, il-professjoni, ir-reġjun u l-pajjiż, u dan jimplika bidliet fl-impjiegi fi ħdan is-setturi u l-ekosistemi industrijali, kif ukoll riallokazzjonijiet kbar tax-xogħol bejniethom (19). Ir-ristrutturar u l-aġġustament fil-kumpaniji, fis-setturi u fl-ekosistemi kkonċernati jeħtieġu l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju u riallokazzjonijiet kbar tax-xogħol fis-setturi u fir-reġjuni kollha. Pereżempju, it-telf tal-impjiegi huwa mistenni f’xi attivitajiet ta’ estrazzjoni jew fil-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-fjuwils fossili, kif ukoll f’partijiet tas-settur tal-karozzi. Min-naħa l-oħra, huma mistennija opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi f’attivitajiet ta’ żamma tal-valur ċirkolari u fil-produzzjoni sostenibbli tat-trasport u l-enerġija. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu approċċi granulari, b’enfasi fuq ir-reġjuni u l-ekosistemi individwali kkonċernati, f’kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u/jew mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali.

(11)

Bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għal kulħadd flimkien ma’ miżuri meħuda sabiex jittaffa u jiġi evitat il-faqar enerġetiku u tat-trasport, it-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tikkontribwixxi sabiex jiżdied l-introjtu u jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar b’mod ġenerali (20). B’hekk tista’ tgħin sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u l-esklużjoni soċjali li kienu jeżistu qabel, ittejjeb is-saħħa u l-benesseri, u tippromwovi l-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti gruppi tal-popolazzjoni, b’mod partikolari dawk li huma diġà f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. B’mod partikolari dawn jinkludu unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju baxx, li jonfqu sehem għoli mill-introjtu tagħhom fuq servizzi essenzjali bħall-enerġija, it-trasport u l-akkomodazzjoni, kif ukoll intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Ir-riżultati tal-immudellar juru li l-kwistjoni ta’ jekk it-taxxi ambjentali humiex progressivi jew rigressivi ser tiddependi l-aktar fuq it-tfassil tal-istrument, inkluż, pereżempju, il-punt sa fejn it-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu jew għażliet oħra għar-riċiklaġġ tal-introjtu huma mmirati lejn persuni b’introjtu baxx (21).

(12)

L-attivitajiet ta’ żamma tal-valur ċirkolari, inkluż il-mudelli tan-negozju ta’ tiswija, użu mill-ġdid, manifattura mill-ġdid u servitizzazzjoni, jistgħu jrawmu aċċess affordabbli u sostenibbli għall-prodotti u s-servizzi. Dawn jiġġeneraw ukoll impjiegi u opportunitajiet f’diversi livelli ta’ ħiliet, inkluż għan-nisa, għall-persuni b’diżabilità u għall-gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, permezz ta’ entitajiet tal-ekonomija soċjali attivi f’dawk l-oqsma. Billi jippromwovu ċ-ċirkolarità tal-prodotti, inaqqsu bil-kbir l-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li l-impjiegi maħluqa huma qrib il-prodotti li jeħtieġ li jinżammu, jiġu rinnovati jew kondiviżi.

(13)

Skont l-aħħar data disponibbli f-statistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għajxien għall-2019/2020, il-faqar enerġetiku affettwa lil madwar 8 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri aktar minn 35 miljun persuna, li ma setgħux iżommu djarhom sħan b’mod adegwat, b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u bejn il-kategoriji tal-introjtu (22). B’mod ġenerali, l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku jistma, abbażi ta’ taħlita ta’ indikaturi, li aktar minn 50 miljun unità domestika fl-Unjoni jesperjenzaw faqar enerġetiku (23). Il-faqar enerġetiku, li jirriżulta minn taħlita ta’ introjtu baxx, sehem għoli mill-introjtu disponibbli li jintefaq fuq l-enerġija u effiċjenza enerġetika baxxa, ilu sfida ewlenija għall-Unjoni għal xi żmien. Barra minn hekk, ir-riskju tal-faqar enerġetiku jiżdied bi prezzijiet tal-enerġija għoljin u volatili, li huma xprunati minn għadd ta’ fatturi inkluż dawk relatati mal-kuntest tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-rispons ta’ politika sussegwenti tal-Unjoni. Din il-forma ta’ faqar taffettwa mhux biss lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, iżda wkoll lill-unitajiet domestiċi b’introjtu medju baxx f’ħafna Stati Membri.

L-unitajiet domestiċi bi ħtiġijiet tal-enerġija ogħla mill-medja, li jinkludu familji bit-tfal, inkluż dawk immexxija minn ġenituri waħedhom, persuni b’diżabilità, u persuni akbar fl-età, huma wkoll aktar suxxettibbli għall-faqar enerġetiku (24) u għall-effetti tiegħu. In-nisa, u b’mod partikolari dawk li huma ġenituri waħedhom u n-nisa akbar fl-età (25), huma wkoll affettwati b’mod partikolari mill-faqar enerġetiku. Minbarra l-faqar enerġetiku, il-kunċett ta’ faqar fit-trasport qiegħed jiġi rikonoxxut dejjem aktar fejn għal ċerti kategoriji tal-popolazzjoni ma huwiex possibbli li jinkiseb livell ta’ servizzi tat-trasport li huwa soċjalment u materjalment meħtieġ. Mingħajr il-miżuri ta’ akkumpanjament xierqa sabiex itaffu u jipprevjenu l-faqar enerġetiku u fit-trasport, dawk il-forom ta’ faqar huma fir-riskju li jaggravaw b’mod partikolari minħabba l-internalizzazzjoni tal-kostijiet tal-emissjonijiet fil-formazzjoni tal-prezzijiet jew minħabba l-kostijiet tal-adattament lejn alternattivi b’effiċjenza ogħla u b’emissjonijiet aktar baxxi.

(14)

Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni u s-solidarjetà huma integrati bis-sħiħ fit-tfassil tal-oqfsa rilevanti dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent fil-livell tal-Unjoni, inkluż permezz tal-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” u l-kondiviżjoni tal-isforzi bejn l-Istati Membri kif ukoll f’xi ridistribuzzjoni tal-kwoti tal-EU ETS għall-finijiet ta’ solidarjetà, ta’ tkabbir u ta’ interkonnessjonijiet fl-Unjoni u l-użu tagħhom għall-Fond għall-Modernizzazzjoni li jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment tal-Istati Membri b’introjtu aktar baxx sabiex jimmodernizzaw is-sistemi tal-enerġija tagħhom. Barra minn hekk, il-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġija jipprovdi lill-Istati Membri b’għodod sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ klijenti domestiċi foqra fl-enerġija u vulnerabbli filwaqt li jevitaw distorsjonijiet tas-suq. Filwaqt li dawk l-għodod jgħinu fl-iffaċilitar tat-tranżizzjoni ekoloġika, huma maħsuba sabiex jipprovdu l-mezzi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni meħtieġa b’mod aktar ġenerali, kif muri pereżempju mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2021 bit-titolu “L-indirizzar tal-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ” u l-Pjan REPowerEU.

(15)

L-Istati Membri għandhom firxa ta’ għodod għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiddeskrivu u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom għal tranżizzjoni ġusta. Il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs) li jitħejjew f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) jenħtieġ li jivvalutaw in-numru ta’ unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku u jiddeskrivu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet soċjali u territorjali tat-tranżizzjoni enerġetika. Il-Pjanijiet ta’ Tranżizzjoni Territorjali Ġusta (TJTPs) li jitħejjew f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) jenħtieġ li jidentifikaw it-territorji eliġibbli għall-appoġġ taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta sal-2027. Iffinanzjat minn NextGenerationEU, il-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza (RRPs) nazzjonali li jitħejjew f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2021/241 tal-Parlamant Ewropew u tal-Kunsill (28) jistabbilixxu riformi u investimenti sabiex irawmu t-tranżizzjoni ekoloġika, it-tkabbir inklużiv, il-koeżjoni soċjali u territorjali, ir-reżiljenza u l-prospetti għall-ġenerazzjoni li jmiss, b’orizzont ta’ implimentazzjoni sal-2026. Xi azzjonijiet għal tranżizzjoni ġusta huma implimentati wkoll fil-kuntest ta’ programmi u inizjattivi oħra, b’mod partikolari l-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni.

(16)

Filwaqt li tibni b’mod partikolari fuq il-prinċipji u l-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, hemm lok sabiex jittejjeb it-tfassil tal-politiki b’mod komprensiv u trasversali, u sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-isforzi ta’ nfiq, fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali. Fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Valutazzjoni madwar l-UE kollha tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima - Immexxu ’l quddiem it-tranżizzjoni ekoloġika u nippromwovu l-irkupru ekonomiku permezz ta’ ppjanar integrat tal-enerġija u tal-klima”, il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li n-NECP’s finali jipprovdu xi indikaturi u politiki dwar il-faqar enerġetiku, ikkonkludiet li mhux dejjem jipprovdu prijoritizzazzjoni ċara tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal tranżizzjoni ġusta, u lanqas għat-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet jew għall-appoġġ ta’ aġġustamenti fis-suq tax-xogħol. It-TJTPs jenħtieġ li jiffokaw fuq territorji magħżula u għalhekk ma humiex mistennija li jistabbilixxu strateġija u politiki ġenerali għal tranżizzjoni ġusta fil-livell nazzjonali. Filwaqt li r-riformi u l-investimenti li jappoġġaw u li jgħinu jiffinanzjaw huma mfassla sabiex jipprovdu impatt dejjiemi, kemm it-TJTPs kif ukoll l-RRPs huma limitati fiż-żmien.

(17)

Tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika fl-Unjoni sal-2050 ser tiżgura li ħadd ma jitħalla lura, b’mod partikolari l-ħaddiema u l-unitajiet domestiċi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, u dawk li diġà jinsabu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Għal dak il-għan, kif stabbilit f’din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu pakketti ta’ politika komprensivi (29), isaħħu l-elementi trasversali li jippromwovu tranżizzjoni ekoloġika ġusta, u jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament pubbliku u privat. Il-pakketti ta’ politika jenħtieġ li jqisu lin-nies u l-unitajiet domestiċi li huma l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari mit-telf ta’ impjiegi iżda wkoll mit-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew rekwiżiti ġodda ta’ kompiti fuq ix-xogħol, kif ukoll dawk soġġetti għal impatti negattivi fuq l-introjtu disponibbli, in-nefqa, u l-aċċess għal servizzi essenzjali. Bħala parti mill-aktar gruppi affettwati, il-pakketti ta’ politika jenħtieġ li, b’mod partikolari, iżda mhux biss, iqisu lin-nies u lill-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, b’mod partikolari n-nies l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, pereżempju minħabba l-ħiliet tagħhom, il-kundizzjonijiet territorjali tas-suq tax-xogħol, jew karatteristiċi oħrajn, bħas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Barra minn hekk, in-nies u l-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jinkludu lil dawk li jgħixu fil-faqar jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar u/jew faqar enerġetiku, li jiffaċċjaw ostakli għall-mobbiltà, jew piż żejjed tal-kostijiet tal-akkomodazzjoni, inkluż unitajiet domestiċi mmexxija minn ġenituri waħedhom, li aktar ta’ spiss ikunu nisa milli rġiel. Il-pakketti ta’ politika jenħtieġ li jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi lokali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-partijiet l-aktar vulnerabbli u remoti tal-Unjoni, inkluż ir-reġjuni u l-gżejjer ultraperiferiċi.

(18)

L-appoġġ attiv għal impjieg ta’ kwalità jenħtieġ li jiffoka fuq l-għoti ta’ għajnuna lill-ħaddiema, lil dawk li qegħdin ifittxu impjieg, lil persuni li ma humiex impjegati, u li ma humiex jirċievu edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) u lil dawk li jaħdmu għal rashom l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. B’mod partikolari, persuni sottorappreżentati bħan-nisa, il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabilità, il-persuni akbar fl-età jew il-persuni b’kapaċitajiet komparattivament baxxi sabiex jadattaw għall-bidliet fis-suq tax-xogħol jeħtieġu appoġġ sabiex itejbu l-impjegabbiltà tagħhom u sabiex isibu impjieg, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 (30). Filwaqt li jibnu fuq gwida ta’ politika preċedenti, b’mod partikolari dik ir-Rakkomandazzjoni u d- Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2020/1512 (31) u (UE) 2021/1868 (32), il-pakketti ta’ politika jenħtieġ li għalhekk jinkludu miżuri mfassla sabiex jappoġġaw inċentivi għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni, appoġġ għall-intraprenditorija, b’mod partikolari għan-nisa jew għall-persuni b’diżabilità, u miżuri għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, b’mod partikolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u fit-territorji l-aktar affettwati. Tali miżuri, flimkien ma’ appoġġ adegwat tal-Unjoni, jistgħu wkoll ikunu strumentali biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-suq tax-xogħol, bħal dawk li jirriżultaw mill-influss ta’ refuġjati Ukreni b’mod partikolari fl-Istati Membri l-aktar affettwati. Dawn jenħtieġ li jrawmu wkoll l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli eżistenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-appoġġ għal ristrutturar soċjalment responsabbli f’konformità mar-regoli u l-istandards eżistenti. Is-sħab soċjali għandhom rwol vitali x’jaqdu sabiex jikkontribwixxu għall-indirizzar, permezz tad-djalogu, tal-konsegwenzi soċjali u tal-impjiegi tal-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika.

(19)

L-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi għal kulħadd huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol ikollha l-ħiliet meħtieġa sabiex twettaq it-tranżizzjoni ekoloġika. L-aspetti ta’ tranżizzjoni ġusta jenħtieġ li għalhekk jiġu integrati fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet, filwaqt li jitqiesu l-proposti magħmula mill-Kummissjoni fl-“Aġenda Ewropea għall-Ħiliet” (33) u “l-“Istrateġija Industrijali l-Ġdida aġġornata” ) (34) Is-sħubijiet għall-ħiliet skont il-Patt għall-Ħiliet ser ikunu wkoll lieva importanti. L-għarfien u t-tbassir aġġornati dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet, inkluż fil-livelli reġjonali, settorjali u okkupazzjonali, jippermettu l-identifikazzjoni u t-tbassir tal-ħtiġijiet rilevanti ta’ ħiliet speċifiċi għall-okkupazzjoni u trasversali, inkluż bħala bażi għall-adattament tal-kurrikuli sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jenħtieġ li jgħammru liż-żgħażagħ u lill-adulti b’fokus partikolari fuq in-nisa u l-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, bil-ħiliet meħtieġa sabiex jirnexxu fit-tranżizzjoni ekoloġika, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/C 417/01 (35).

L-apprendistati u t-traineeships imħallsa, inkluż komponenti ta’ taħriġ b’saħħithom, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari lejn attivitajiet li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali, u setturi li jiffaċċjaw nuqqasijiet partikolari ta’ ħiliet. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja jenħtieġ li tiġi promossa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ tiġdid u titjib tal-ħiliet, fost l-oħrajn, billi l-individwi jingħataw is-setgħa li jfittxu taħriġ li jkun imfassal għall-ħtiġijiet tagħhom u, fejn xieraq, permezz ta’ korsijiet qosra u b’assigurazzjoni tal-kwalità dwar il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li jitqies ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 (36) li għandu l-għan li jagħmilha aktar faċli sabiex jiġu vvalutati u rikonoxxuti l-eżiti ta’ tali korsijiet.

(20)

Il-kompożizzjoni tas-sistemi ta’ benefiċċji fiskali u tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jenħtieġ li tiġi eżaminata skont il-ħtiġijiet speċifiċi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt ssir riflessjoni wkoll dwar il-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” u l-ħtieġa li l-politiki ta’ akkumpanjament ma jintroduċux sussidji għall-konsum tal-fjuwils fossili, ma jorbtux lill-konsumaturi ma’ teknoloġija speċifika, ma jnaqqsux l-inċentivi għar-rinnovazzjonijiet tal-binjiet u għas-sostituzzjonijiet tas-sistema tal-enerġija termali u ma jmaqqsux l-inċentivi fil-miżuri ġenerali għall-effiċjenza enerġetika. Taħlita ta’ diversi politiki tista’ tappoġġa l-aktar unitajiet domestiċi u ħaddiema vulnerabbli l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Skont is-sitwazzjoni nazzjonali u individwali, din tista’, pereżempju, tinvolvi t-trasferiment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol u lejn objettivi klimatiċi u ambjentali kif previst fil-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (37), rieżami tal-iskemi tal-qgħad u/jew appoġġ temporanju u mmirat permezz ta’ introjtu dirett, fejn meħtieġ. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, inkluż politiki ta’ inklużjoni soċjali, jistgħu jiġu rieżaminati u, fejn applikabbli, adattati fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari sabiex jipprovdu sigurtà tal-introjtu, speċjalment matul tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor, u sabiex jipprovdu servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-kura adegwati permezz ta’ infrastruttura soċjali adegwata, speċjalment fit-territorji l-aktar affettwati, pereżempju żoni rurali u remoti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali, u jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa. Sabiex tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali tat-tfal, l-investimenti fl-infrastruttura soċjali għat-tfal ikollhom l-għan li jiżguraw l-aċċess għal servizzi ewlenin għat-tfal fil-bżonn, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 (38).

(21)

Sabiex tinbena reżiljenza fiżika u finanzjarja għall-impatti irriversibbli tat-tibdil fil-klima b’mod inklużiv, jeħtieġ li jiġu promossi s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju, it-tnaqqis tar-riskju u s-soluzzjonijiet ta’ trasferiment tar-riskju, b’mod partikolari billi tiżdied id-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni u billi jsir investiment fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u fl-adattament għat-tnaqqis tal-impatti fiżiċi tat-tibdil fil-klima, biex b’hekk jitnaqqas it-telf kif ukoll id-distakk fil-protezzjoni tal-klima, filwaqt li jitqiesu l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll żoni rurali u remoti, bħar-reġjuni u l-gżejjer ultraperiferiċi. Il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, inkluż is-sistemi ta’ protezzjoni ċivili fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni, jenħtieġ li tissaħħaħ sabiex jiġu evitati x-xokkijiet relatati mal-klima kif ukoll ikun hemm tħejjija u rispons aħjar għalihom.

(22)

Kulħadd għandu d-dritt ta’ aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inkluż l-enerġija, it-trasport, l-ilma, is-sanità, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali, u l-appoġġ għal aċċess ugwali għal tali servizzi jenħtieġ li jkun disponibbli għal dawk fil-bżonn (39). Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu pprovduti l-aċċess għal akkomodazzjoni soċjali jew għal assistenza għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità tajba għal dawk fil-bżonn (40). L-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju, il-klijenti vulnerabbli, inkluż l-utenti finali, il-persuni li qegħdin jiffaċċjaw jew li huma fil-faqar enerġetiku, u l-persuni li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”. Minbarra l-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi tal-enerġija, huma meħtieġa miżuri speċifiċi biex jiġu evitati u indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar enerġetiku, b’mod partikolari billi jiġu promossi investimenti mmirati lejn titjib fl-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali. L-aġġornamenti proposti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (41) u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (42) għandhom ukoll l-għan li jindirizzaw l-ostakli mhux ekonomiċi ewlenin għar-rinnovazzjoni bħall-inċentivi maqsuma, inkluż il-konfigurazzjonijiet bejn is-sidien u l-kerrejja, u l-istrutturi ta’ sjieda konġunta. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa u lil gruppi partikolari li jinsabu f’riskju akbar li jiġu affettwati mill-faqar enerġetiku, bħall-persuni b’diżabilità, il-ġenituri waħedhom, l-anzjani, it-tfal, u l-persuni ta’ sfond razzjali jew etniku minoritarju.

L-isfidi ta’ mobbiltà li kienu jeżistu minn qabel u li qegħdin jitfaċċaw jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa, bħat-trasport pubbliku. L-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà u s-sikurezza tal-mobbiltà sostenibbli u modi differenti tat-trasport, inkluż it-trasport privat u pubbliku, huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li kulħadd jibbenefika mit-tranżizzjoni ekoloġika u jkun parti minnha. Il-mobbiltà urbana għandha rwol sinifikanti f’dan il-kuntest, kif rifless ukoll mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2021 bit-titlu “Il-Qafas il-Ġdid tal-UE għall-Mobbiltà Urbana”.

(23)

Approċċ tas-soċjetà kollha għat-tranżizzjoni ġusta jenħtieġ li jappoġġa l-azzjoni politika, abbażi tal-koordinazzjoni tat-tfassil tal-politika u l-kapaċitajiet operazzjonali msaħħa fil-livelli kollha u fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, filwaqt li jagħti wkoll rwol attiv lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Huwa jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-involviment tas-sħab soċjali fil-livelli u fl-istadji kollha, kif ukoll parteċipazzjoni effettiva u li tħalli impatt fuq is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati. Tali koordinazzjoni u impenn jistgħu jiżguraw li l-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar il-ġustizzja u s-solidarjetà jiġu integrati fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-politika mill-bidu nett, billi jipprovdu l-bażi għal appoġġ ġenerali u fit-tul għal politiki inklużivi li javvanzaw it-tranżizzjoni ekoloġika.

(24)

Bażi ta’ evidenza b’saħħitha hija essenzjali sabiex jiġu stabbiliti politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol sodi li jiżguraw tranżizzjoni ġusta u inklużiva. Għal dak il-għan, l-armonizzazzjoni u l-konsistenza gradwali tad-definizzjonijiet, il-kunċetti, il-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji, b’mod partikolari abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 (43), jiffaċilitaw il-valutazzjonijiet u l-komparabbiltà tagħhom. Aktar azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-bażi ta’ għarfien li tista’ tikkontribwixxi għall-politika u għad-diskors pubbliku. Min-naħa l-oħra, l-iskambji mal-pubbliku fid-diversità kollha tiegħu u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, pereżempju dwar l-eżiti tal-evalwazzjonijiet, l-eżerċizzji ta’ previżjoni u ta’ monitoraġġ, jistgħu jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika u s-sjieda.

(25)

Huma meħtieġa data diżaggregata skont is-sessi u indikaturi xierqa granulari u ta’ kwalità għolja b’mod partikolari sabiex jiġu vvalutati l-impatti fuq l-impjiegi u dawk soċjali u distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima. Tali data u indikaturi bħalissa ma humiex kompletament disponibbli. Pereżempju, filwaqt li sar xi progress fir-rigward tal-kejl tal-faqar enerġetiku, jistgħu jiġu żviluppati indikaturi għall-valutazzjoni tal-faqar fit-trasport f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jistgħu jissaħħu permezz ta’ numru ta’ azzjonijiet, b’enfasi fuq indikaturi, tabelli ta’ valutazzjoni kif ukoll proġetti pilota fuq skala żgħira u l-esperimentazzjoni tal-politika. L-azzjonijiet jenħtieġ jibnu fuq, jew jużaw, tabelli ta’ valutazzjoni eżistenti bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali u d-dashboard tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li fihom informazzjoni rilevanti dwar aspetti speċifiċi ta’ politiki ta’ tranżizzjoni ġusta.

(26)

L-użu ottimali u effiċjenti tal-finanzjament pubbliku u privat u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi kollha disponibbli u l-użu effettiv tagħhom huma ta’ importanza partikolari fid-dawl tal-ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ekoloġika. Fil-livell tal-Unjoni, l-azzjonijiet rilevanti huma appoġġati permezz tal-baġit tal-Unjoni u NextGenerationEU. Dawn ser jiġu implimentati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (JTM), inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni, l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), l-ERASMUS+ u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG), il-programm LIFE, il-programm Orizzont Ewropa, il-Fondi għall-Modernizzazzjoni u l-Innovazzjoni (44) u l-fondi taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, billi tipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi, inklużi dawk li jippromwovu tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità tal-karbonju.

(27)

Is-Semestru Ewropew huwa l-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi tal-Unjoni. Ser ikompli jaqdi dan ir-rwol fil-fażi ta’ rkupru u fl-avvanz tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, strutturati madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva, filwaqt li jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Skont is-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni ser timmonitorja mill-qrib l-eżiti u l-impatti soċjoekonomiċi u, fejn rilevanti, tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż immirati sabiex tiżgura li ħadd ma jitħalla lura. Il-komplementarjetà mal-miżuri appoġġati taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tkun prijorità. Għalhekk, il-monitoraġġ ta’ din ir-Rakkomandazzjoni ser isir fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif adatt, inkluż fil-qafas tal-kumitati rilevanti, fl-oqsma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, abbażi ta’ valutazzjonijiet adegwati, evalwazzjonijiet tal-impatt tal-politika, u l-istat tal-implimentazzjoni tal-gwida pprovduta f’din ir-Rakkomandazzjoni. L-arranġament ta’ monitoraġġ mhux ser iżid piżijiet amministrattivi bla bżonn għall-Istati Membri.

(28)

Barra minn hekk, bħala parti mill-abbozz u l-aġġornament finali tan-NECPs tagħhom fl-2023 u fl-2024, rispettivament, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 , l-Istati Membri jenħtieġ li jibbażaw fuq din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jikkunsidraw l-integrazzjoni tal-impjiegi, valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u distributtivi u aspetti ta’ tranżizzjoni ġusta fil-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, u jkomplu jsaħħu l-miżuri ta’ politika sabiex jiġu indirizzati dawk l-impatti, b’enfasi partikolari fuq il-faqar enerġetiku.

(29)

Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jista’ jibni fuq l-evidenza eżistenti fil-kuntest tal-proċessi ta’ sorveljanza multilaterali stabbiliti, bħas-Semestru Ewropew. Il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-Kumitat tal-Impjiegi u lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, f’konformità mal-Artikoli 150 u 160 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, u f’kooperazzjoni ma’ kumitati rilevanti oħra, b’mod partikolari l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, biex jeżaminaw fil-qasam ta’ kompetenza rispettiv tagħhom l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq bażi ta’ rapportar adegwat mill-Kummissjoni u għodod multilaterali oħra ta’ sorveljanza. Barra minn hekk, f’dan l-isfond, il-Kummissjoni qiegħda taħdem sabiex ittejjeb id-disponibbiltà tad-data, diżaggregata skont is-sessi, sabiex taġġorna u tuża oqfsa u gwida metodoloġika eżistenti, inkluż għall-kejl tal-faqar enerġetiku u fit-trasport u l-inugwaljanzi ambjentali, u sabiex tevalwa l-effettività u l-impatt attwali tal-miżuri ta’ politika,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

OBJETTIV

(1)

F’konformità mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiżgura li t-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ambjentalment sostenibbli sal-2050 tkun ġusta u ma tħalli lil ħadd lura.

(2)

L-Istati Membri huma mistiedna, għal dak il-għan, li jadottaw u jimplimentaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali kif rilevanti, pakketti ta’ politika komprensivi u koerenti, li jindirizzaw l-aspetti tal-impjiegi u dawk soċjali sabiex jippromwovu tranżizzjoni ġusta fil-politiki kollha, b’mod partikolari l-politiki klimatiċi, tal-enerġija u ambjentali, kif ukoll sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament pubbliku u privat.

DEFINIZZJONIJIET

(3)

Għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“Tranżizzjoni ekoloġika” tfisser it-tranżizzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni lejn l-ilħuq tal-objettivi klimatiċi u ambjentali primarjament permezz ta’ politiki u investimenti, f’konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima li tistabbilixxi l-obbligu li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u impenji internazzjonali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi, Ftehimiet Ambjentali Multilaterali oħra u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

(b)

“Objettivi klimatiċi u ambjentali” tfisser is-sitt objettivi stabbiliti mir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45), jiġifieri: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; l-adattament għat-tibdil fil-klima; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar; it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.

(c)

“Persuni u unitajiet domestiċi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika” tfisser dawk li l-aċċess effettiv tagħhom għal impjieg ta’ kwalità, inkluż impjieg indipendenti, u/jew għall-edukazzjoni u t-taħriġ u/jew għal standard deċenti ta’ għajxien u servizzi essenzjali huwa limitat b’mod sinifikanti jew f’riskju li jkun limitat b’mod sinifikanti b’konsegwenza diretta jew indiretta tat-tranżizzjoni ekoloġika.

(d)

“Persuni u unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli” tfisser dawk li, indipendentement mit-tranżizzjoni ekoloġika, jiffaċċjaw jew jinsabu f’riskju li jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ aċċess limitat għal impjieg ta’ kwalità, inkluż impjieg indipendenti, u/jew għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u/jew għal standard deċenti ta’ għajxien u servizzi essenzjali, li jimplika kapaċitajiet baxxi ta’ adattament għall-konsegwenzi tat-tranżizzjoni ekoloġika.

(e)

“Intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” tfisser intrapriżi li jimpjegaw anqas minn 250 persuna, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom waħedhom, u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun, ikkalkolat f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (46).

(f)

“Faqar enerġetiku” tfisser “in-nuqqas ta’ aċċess ta’ unità domestika għal servizzi essenzjali tal-enerġija li jirfdu standard tal-għajxien u tas-saħħa diċenti, inkluż tisħin, tkessiħ, tidwil adegwati u enerġija għall-apparati domestiċi, fil-kuntest nazzjonali rilevanti, tal-politika soċjali eżistenti u ta’ politiki rilevanti oħra” (47); id-definizzjoni ta’ “faqar enerġetiku” f’din ir-Rakkomandazzjoni ser tapplika, sakemm id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48), kif tista’ tiġi emendata jew sostitwita bħala riżultat tal-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021 (49), ma jkunx fiha definizzjoni oħra ta’ dak il-kunċett, f’liema każ dik id-definizzjoni tapplika għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(g)

“Servizzi essenzjali” tfisser servizzi ta’ kwalità tajba, inklużi l-ilma, is-sanità, l-enerġija, it-trasport u l-mobbiltà, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali; l-appoġġ għall-aċċess għal dawn is-servizzi jenħtieġ li jkun disponibbli għal dawk fil-bżonn, f’konformità mal-prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mal-għoti ta’ opportunitajiet ta’ ffrankar tal-kostijiet, inkluż permezz ta’ servizzi ta’ użu mill-ġdid, tiswija, donazzjoni u kondiviżjoni.

(h)

“Pakkett ta’ politika” tfisser sett komprensiv u koerenti ta’ miżuri ta’ politika li jintegraw il-politiki dwar l-impjiegi, il-ħiliet u dawk soċjali mal-politiki dwar il-klima, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent u politiki oħra ta’ tranżizzjoni ekoloġika, permezz ta’ approċċ transsettorjali ikkoordinat sew ibbażat fuq strateġija nazzjonali waħda jew aktar u/jew pjanijiet ta’ azzjoni, u li jibbenefikaw minn mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u governanza fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali kif xieraq.

PAKKETTI TA’ POLITIKA GĦAL TRANŻIZZJONI EKOLOĠIKA ĠUSTA

(4)

Sabiex jipprovdu appoġġ attiv għal impjiegi ta’ kwalità għal tranżizzjoni ġusta u jibnu fuq ir-Rakkomandazzjoni(UE) 2021/402, l-Istati Membri huma mħeġġa, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin b’appoġġ għall-persuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u, fejn adegwat, jgħinuhom sabiex jgħaddu, permezz ta’ impjieg jew impjieg indipendenti, lejn attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali:

(a)

jappoġġaw b’mod effettiv l-aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u l-preservazzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ servizzi għall-impjiegi, inkluż assistenza mfassla apposta għat-tfittix ta’ impjieg u korsijiet ta’ tagħlim li jimmiraw ukoll il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali fejn xieraq; iqisu wkoll programmi ta’ impjieg imfassla tajjeb, immirati u marbuta maż-żmien li jippreparaw lill-benefiċjarji permezz tat-taħriġ, b’mod partikolari persuni mill-gruppi sottorappreżentati u nies f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, għal parteċipazzjoni kontinwa fis-suq tax-xogħol;

(b)

jagħmlu użu effettiv mill-inċentivi mmirati u mfassla tajjeb għar-reklutaġġ u għat-tranżizzjoni, inkluż billi jikkunsidraw l-użu adegwat tas-sussidji u l-inċentivi għall-pagi u r-reklutaġġ marbuta mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sabiex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fis-setturi u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fir-reġjuni u l-pajjiżi fid-dawl tal-opportunitajiet u tal-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika;

(c)

jippromwovu l-intraprenditorija, inkluż l-intrapriżi u l-entitajiet l-oħra kollha tal-ekonomija soċjali (50), b’mod partikolari f’reġjuni li qegħdin jiffaċċjaw sfidi ta’ tranżizzjoni u, fejn xieraq, f’setturi li jippromwovu objettivi klimatiċi u ambjentali bħall-ekonomija ċirkolari, b’attenzjoni speċjali għall-intraprenditorija tan-nisa; l-appoġġ jenħtieġ li jikkombina miżuri finanzjarji, inklużi għotjiet, self jew ekwità, u miżuri mhux finanzjarji, inklużi servizzi ta’ taħriġ u konsulenza, b’attenzjoni partikolari għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, imfassla apposta għal kull fażi taċ-ċiklu tal-ħajja tan-negozju; jenħtieġ li l-appoġġ ikun inklużiv u aċċessibbli għal gruppi mhux rappreżentati biżżejjed u żvantaġġati;

(d)

jistimulaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, b’mod partikolari f’territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika u, fejn xieraq, setturi li jippromwovu objettivi klimatiċi u ambjentali bħall-ekonomija ċirkolari, billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi u s-swieq għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari dawk li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali bil-ħsieb li jiġu promossi l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi ta’ kwalità fis-suq uniku kollu, inkluż fis-setturi u fl-ekosistemi ta’ rilevanza strateġika f’kuntesti nazzjonali u lokali;

(e)

-janalizzaw l-impatt tat-tranżizzjoni ekoloġika fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u, għaldaqstant, jippromwovu miżuri li jindirizzaw riskji ġodda jew l-aggravament potenzjali tar-riskji eżistenti, filwaqt li jqisu l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2021 intitolata “Qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 - Is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel” ;

(f)

jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli eżistenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-involviment tal-ħaddiema, sabiex jiġu ssalvagwardjati kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-kwalità tal-impjiegi fit-tranżizzjoni, inkluż f’attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali;

(g)

irawmu l-użu ta’ prattiki tal-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli (51), inkluż permezz ta’ kriterji għall-għoti soċjali li joħolqu opportunitajiet għal persuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li jippromwovu wkoll kriterji għall-għoti ekoloġiku;

(h)

jipprevedu l-involviment sħiħ u sinifikanti, inkluż informazzjoni u konsultazzjoni, tal-ħaddiema fil-livelli kollha u tar-rappreżentanti tagħhom fir-rigward tal-antiċipazzjoni tal-bidla u l-ġestjoni tal-proċessi ta’ ristrutturar inklużi dawk marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika, f’konformità mal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar “Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar”.

(5)

Sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità, affordabbli u inklużivi kif ukoll opportunitajiet ugwali, anki bil-ħsieb tat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin, li jridu jiġu implimentati f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tagħhom, b’mod partikolari b’appoġġ għall-persuni u l-unitajiet domestiċi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli:

(a)

jintegraw l-aspetti soċjali u tal-impjiegi tat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż nuqqas potenzjali ta’ ħaddiema, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti li jindirizzaw l-isfidi għall-ħiliet, pereżempju skont l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, u jappoġġaw l-istabbiliment u l-koordinazzjoni tas-sħubijiet tal-partijiet ikkonċernati, inkluż skont il-Patt għall-Ħiliet, filwaqt li jiżguraw b’mod partikolari li l-ħiliet ikunu fil-qalba ta’ mogħdijiet ta’ tranżizzjoni maħluqa b’mod konġunt għall-ekosistemi industrijali rilevanti li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali;

(b)

jiżviluppaw għarfien u previżjoni aġġornati dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet, jidentifikaw u jipprevedu l-ħtiġijiet relatati ma’ ħiliet speċifiċi għall-professjoni u trasversali. Jibnu fuq għodod u inizjattivi eżistenti, inkluż l-għarfien espert tas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-kooperazzjoni magħhom; Jikkunsidraw jadattaw il-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’konformità maċ-ċirkustanzi nazzjonali u reġjonali għall-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni ekoloġika u jipprovdu gwida skolastika u għall-karriera kif xieraq;

(c)

jipprovdu edukazzjoni u taħriġ inizjali ta’ kwalità għolja, aċċessibbli, affordabbli u inklużivi, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jipprovdu lill-istudenti b’ħiliet u kompetenzi rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika. It-tagħlim għas-sostenibbiltà – inklużi x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), l-approċċi interdixxiplinari, u l-ħiliet diġitali – jenħtieġ li jitqiesu u jiġu promossi, fejn xieraq, bħala parti integrali tal-kurrikuli u l-programmi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ; Jieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jattiraw persuni b’diżabilità, nisa, persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u gruppi oħra li bħalissa huma sottorappreżentati fl-oqsma okkupazzjonali kkonċernati u biex jippromwovu l-karrieri tagħhom;

(d)

jintroduċu jew isaħħu skemi ta’ appoġġ għall-apprendistati u fejn possibbli, għal traineeships mħallsa ta’ kwalità u skemi ta’ job shadowing b’komponent ta’ taħriġ b’saħħtu, b’mod partikolari f’intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, inklużi dawk li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali u f’setturi li jiffaċċjaw nuqqasijiet partikolari ta’ ħiliet, bħall-kostruzzjoni u l-ICT. Skemi bħal dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għal monitoraġġ nazzjonali jew reġjonali u għal evalwazzjoni, u jenħtieġ li jissalvagwardjaw il-kwalità tal-impjiegi, b’kont meħudtar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill 2018/C 153/01 (52) u 2014/C 88/01 (53);

(e)

iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ matul il-ħajja tax-xogħol, f’konformità mal-ħtiġijiet tat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika, billi tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ appoġġ għat-taħriġ fi ħdan l-impjiegi, it-tranżizzjonijiet professjonali u għall-ħiliet trasversali, b’mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata l-konverżjoni mill-ġdid lejn setturi u attivitajiet ekonomiċi li mistennija jespandu; jagħtu lill-individwi s-setgħa li jfittxu taħriġ li jkun imfassal apposta għall-ħtiġijiet tagħhom, fost l-oħrajn, permezz ta’ korsijiet qosra u ta’ kwalità assigurata dwar il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika; għal dak il-għan, jikkunsidraw li jipprovdu aċċess għal leave imħallas għal taħriġ u gwida għall-karriera kif ukoll l-għażla li jiġu stabbiliti kontijiet individwali tal-apprendiment, b’kont meħud tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 (54), u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ korsijiet qosra, ta’ kwalità assigurata u rikonoxxuti b’mod wiesa’, b’kont meħud tar-Rakkomandazzjoni ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 (55).

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja kontinwa tas-sistemi ta’ benefiċċji fiskali u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, inkluż politiki ta’ inklużjoni soċjali, fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, u b’kont meħud, fejn applikabbli, tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2019/C 387/01 (56), l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin b’appoġġ għan-nies u għall-unitajiet domestiċi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, sabiex jappoġġaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, inkluż it-tranżizzjonijiet lejn attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku u tat-trasport f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-mitigazzjoni tal-impatti rigressivi tal-miżuri ta’ politika:

(a)

jivvalutaw u, fejn meħtieġ, jadattaw is-sistemi ta’ tassazzjoni fid-dawl tal-isfidi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, b’mod partikolari billi l-piż tat-taxxa jiġi ttrasferit lil hinn mix-xogħol u jitnaqqas il-porzjon ta’ taxxa għal gruppi b’introjtu baxx u medju lejn sorsi oħra li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali, permezz tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti rigressivi, il-preservazzjoni tal-karattru progressiv tat-tassazzjoni diretta u s-salvagwardja tal-finanzjament ta’ miżuri adegwati ta’ protezzjoni soċjali u ta’ investiment, speċjalment dawk immirati lejn it-tranżizzjoni ekoloġika;

(b)

jirrieżaminaw u, fejn applikabbli, jadattaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, inkluż politiki ta’ inklużjoni soċjali, fid-dawl tal-isfidi tal-impjiegi, dawk soċjali u tas-saħħa ppreżentati mit-tranżizzjoni ekoloġika; għal dak il-għan, jikkunsidraw kif il-provvediment ta’ sigurtà adegwata tal-introjtu inkluż permezz ta’ skemi innovattivi ta’ tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor, il-benefiċċji tal-qgħad u s-sistemi ta’ introjtu minimu jistgħu jiġu żgurati u adattati bl-aħjar mod għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ekoloġika; jiżguraw ukoll il-provvediment ta’ servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-kura fit-tul ta’ kwalità tajba, affordabbli u aċċessibbli, speċjalment għan-nies u għall-unitajiet domestiċi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari billi jsir investiment fl-infrastruttura soċjali għall-indukrar tat-tfal, għall-kura fit-tul u għall-kura tas-saħħa;

(c)

jipprovdu, fejn meħtieġ, u filwaqt li jikkumplimentaw il-miżuri deskritti fil-punt 7(a) waqt li jkunu qegħdin jitwettqu, permezz ta’ appoġġ għall-introjtu dirett immirat u temporanju, b’mod partikolari lin-nies u l-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, sabiex jitnaqqsu l-iżviluppi negattivi fl-introjtu u l-prezzijiet, marbuta wkoll ma’ inċentivi mtejba sabiex jintlaħqu b’mod urġenti l-objettivi klimatiċi u ambjentali meħtieġa filwaqt li jiġu ppreservati s-sinjali tal-prezzijiet li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika; għal dak il-għan, jiżguraw id-disponibbiltà ta’ finanzjament xieraq għal dawk il-miżuri, inkluż billi tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika, isir l-aħjar użu mill-Fond rilevanti tal-Unjoni, u jintużaw ir-riżorsi baġitarji maħluqa mit-taxxi ambjentali u tal-enerġija u mill-EU ETS, fost l-oħrajn;

(d)

itejbu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju, it-tnaqqis tar-riskju u s-soluzzjonijiet ta’ trasferiment tar-riskju fir-rigward tal-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, speċjalment billi tiġi żgurata d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-assigurazzjoni, b’mod partikolari għan-nies u l-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

(7)

Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi essenzjali affordabbli u akkomodazzjoni għal persuni u unitajiet domestiċi l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u dawk f’reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ tranżizzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin:

(a)

jimmobilizzaw l-appoġġ finanzjarju pubbliku u privat u l-għoti ta’ inċentivi għal investimenti privati f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, ikkumplementati minn pariri lill-konsumaturi sabiex jimmaniġġjaw aħjar l-użu tal-enerġija tagħhom u sabiex jieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-iffrankar tal-enerġija, sabiex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, filwaqt li jiġu mmirati unitajiet domestiċi u komunitajiet vulnerabbli; għal dak il-għan, jiżguraw id-disponibbiltà ta’ finanzjament xieraq għal dawk il-miżuri, inkluż billi tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika, isir l-aħjar użu mill-Fond rilevanti tal-Unjoni, u jintużaw ir-riżorsi baġitarji maħluqa mit-taxxi ambjentali u tal-enerġija u mill-introjtu mill-EU ETS, fost l-oħrajn;

(b)

jipprevjenu u jnaqqsu l-faqar enerġetiku billi jiġu promossi u implimentati miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, inklużi investimenti pubbliċi u privati fl-abitazzjonijiet sabiex jiġu stimulati r-rinnovazzjonijiet, inkluż fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali (57); għal dak il-għan, jipprovdu inċentivi, għotjiet u self imfassla tajjeb, flimkien ma’ pariri relatati, ukoll lil intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-inċentivi, b’mod partikolari fost is-sidien u l-inkwilini, u l-evoluzzjoni tal-kostijiet tad-djar, speċjalment għall-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli;

(c)

jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi tal-enerġija, inklużi lill-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, billi tiġi żviluppata aktar l-awto provvista permezz ta’ arranġamenti individwali tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll servizzi oħra permezz ta’ komunitajiet taċ-ċittadini u tal-enerġija rinnovabbli (58), akkumpanjati minn miżuri u kampanji edukattivi, b’enfasi speċjali fuq persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u konsumaturi li jgħixu f’żoni rurali u reġjuni mbiegħda, inkluż reġjuni ultraperiferiċi, u fuq gżejjer;

(d)

jipprevjenu u jindirizzaw l-isfidi u l-ostakli għall-mobbiltà u t-trasport għall-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, speċjalment f’reġjuni remoti, rurali u b’introjtu baxx, inkluż ir-reġjuni u l-gżejjer u l-bliet ultraperiferiċi, permezz ta’ miżuri ta’ politika u ta’ appoġġ adegwati u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa, sabiex tittejjeb il-konnettività essenzjali, li tippermetti l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa, l-impjiegi ta’ kwalità u l-parteċipazzjoni soċjali; jiżguraw, b’mod partikolari, id-disponibbiltà, inkluża l-frekwenza, ta’ trasport pubbliku b’emissjonijiet baxxi u, fejn xieraq, jippromwovu l-użu ta’ modi sostenibbli ta’ mobbiltà privata (59), b’enfasi fuq l-iżgurar ta’ affordabbiltà, aċċessibbiltà u sikurezza;

(e)

jiffaċilitaw l-aċċess għall-konsum sostenibbli, inkluż in-nutrizzjoni, speċjalment għan-nies u għall-unitajiet domestiċi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u b’mod partikolari t-tfal, u jippromwovu opportunitajiet ta’ ffrankar tal-kostijiet marbuta mal-ekonomija ċirkolari; għal dak il-għan, jipprovdu inċentivi u għodod effettivi, bħal azzjonijiet ta’ innovazzjoni soċjali u inizjattivi lokali, jappoġġaw skemi ta’ użu mill-ġdid, tiswija, riċiklaġġ, donazzjoni u kondiviżjoni, inkluż permezz ta’ entitajiet tal-ekonomija soċjali, u jippromwovu l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali għall-istudenti ta’ kull età u fil-livelli u t-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

ELEMENTI TRASVERSALI GĦALL-AZZJONIJIET TA’ POLITIKA LI JAPPOĠĠAW TRANŻIZZJONI EKOLOĠIKA ĠUSTA

(8)

Sabiex tiġi avvanzata t-tranżizzjoni ekoloġika b’mod inklużiv u demokratiku, filwaqt li jiġu integrati objettivi ta’ tranżizzjoni ġusta mill-bidu nett fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha u jiġu żgurat approċċ effettiv ta’ soċjetà sħiħa għal politiki ta’ tranżizzjoni ġusta, l-Istati Membri huma mistiedna:

(a)

jikkoordinaw it-tfassil tal-politika fil-livelli kollha u fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, inkluż ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-ħsieb li jinbena qafas ta’ politika integrat u abilitanti li jagħti attenzjoni xierqa lill-impatti distributtivi kif ukoll lill-effetti pożittivi u negattivi, inkluż f’reġjuni transfruntiera, u, fejn possibbli, jintegra strateġiji ta’ evalwazzjoni adegwati u sistematiċi, inklużi valutazzjonijiet ex ante u ex post;

(b)

iħeġġu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jaqdu rwol attiv fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politiki ta’ tranżizzjoni ġusta, minħabba l-prossimità tagħhom maċ-ċittadini u n-negozji lokali;

(c)

jinvolvu b’mod attiv lis-sħab soċjali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tagħhom, fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u tal-implimentazzjoni previsti taħt din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fejn xieraq; barra minn hekk, jippromwovu aktar l-involviment sħiħ tas-sħab soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ mogħdijiet ta’ tranżizzjoni għall-ekosistemi industrijali skont l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida aġġornata;

(d)

jagħtu s-setgħa u jippermettu lill-persuni, speċjalment lin-nisa, kif ukoll lis-soċjetà ċivili u lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż il-persuni b’diżabilità, iż-żgħażagħ u t-tfal li jitolbu azzjoni klimatika urġenti, u atturi tal-ekonomija soċjali inkluż permezz tal-“Patt Klimatiku Ewropew” (60), bi ħsieb għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika, ukoll billi jagħmlu użu minn mudelli parteċipattivi ġodda li jinvolvu persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli;

(e)

isaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tas-servizzi pubbliċi rilevanti sabiex jipprovdu gwida u appoġġ effettivi għall-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ tranżizzjoni ġusta; b’mod partikolari, isaħħu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi sabiex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u l-informazzjoni dwar il-ħiliet, kif ukoll l-ispettorati tax-xogħol sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kundizzjonijiet tax-xogħol; barra minn hekk, jimmobilizzaw is-servizzi soċjali u tas-saħħa fejn xieraq, b’mod partikolari sabiex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku;

(f)

jappoġġaw tranżizzjoni ekoloġika ġusta anke f’pajjiżi terzi fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar, pereżempju billi jiġu adottati politiki ta’ tranżizzjoni li jqisu l-impatt tagħhom fuq pajjiżi terzi u billi jiġi segwit l-involviment mal-partijiet ikkonċernati u s-sħubijiet globali.

(9)

Sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data u l-evidenza, li huma meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol sodi għal tranżizzjoni ġusta għan-newtralità klimatika, l-Istati Membri huma mistiedna:

(a)

isaħħu l-bażi tal-evidenza dwar politiki ta’ tranżizzjoni ġusta billi, fost l-oħrajn, javvanzaw fejn rilevanti, l-armonizzazzjoni u l-konsistenza gradwali tad-definizzjonijiet, il-kunċetti u l-metodoloġiji, inkluż abbażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1563 u l-azzjonijiet ta’ segwitu fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Faqar Enerġetiku u l-Konsumaturi Vulnerabbli, u l-użu tal-metodi disponibbli għall-evalwazzjonijiet tal-impatt tal-politika; jinkludu wkoll strateġiji ta’ evalwazzjoni u ta’ ġbir ta’ data, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħiliet, il-kompiti u l-impjiegi li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, bl-użu ta’ data diżaggregata skont is-sessi fit-tħejjija u t-tfassil ta’ miżuri ta’ politika u inizjattivi leġiżlattivi rilevanti;

(b)

jiżviluppaw u jintegraw l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt b’saħħithom u trasparenti, soċjali u distributtivi (ex ante) bħala parti mir-riformi u l-miżuri nazzjonali dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent;

(c)

iżguraw monitoraġġ effettiv u trasparenti u evalwazzjoni indipendenti (ex post) tal-effetti fuq l-impjiegi, soċjali u distributtivi tar-riformi u l-miżuri nazzjonali li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali, li jinvolvu lis-sħab soċjali u lil partijiet ikkonċernati oħrajn fl-identifikazzjoni ta’ mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni u, kif rilevanti, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ evalwazzjoni u konsultazzjoni;

(d)

isaħħu l-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni inkluż permezz ta’ finanzjament mill-programm Orizzont Ewropa u permezz ta’ azzjonijiet taħt l-aġenda politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (61), sabiex jittejbu l-immudellar u l-valutazzjoni tad-dimensjoni makroekonomika, tal-impjiegi u soċjali tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima; jippromwovu l-involviment tas-sħab soċjali fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet rilevanti ta’ riċerka u innovazzjoni, b’mod partikolari l-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa “Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u “Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti”, li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet prattiċi b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika fil-livelli reġjonali u lokali; jagħmlu użu aħjar mill-indikaturi u l-oqfsa ta’ monitoraġġ eżistenti u jippromwovu fil-livell tal-Unjoni, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta’ indikaturi għall-ħiliet, il-kompiti u l-impjiegi li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika;

(e)

jippreżentaw l-eżiti tal-evalwazzjonijiet u tal-eżerċizzji ta’ previżjoni u ta’ monitoraġġ lill-pubbliku f’intervalli regolari, u jorganizzaw skambji mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar ir-riżultati ewlenin u l-aġġustamenti possibbli.

L-AĦJAR UŻU TAL-FINANZJAMENT PUBBLIKU U PRIVAT

(10)

Sabiex jipprovdu investiment kosteffettiv u appoġġ finanzjarju, inkluż lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, f’konformità mal-qafas tal-għajnuna mill-istat sabiex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u tas-swieq tax-xogħol ta’ tranżizzjoni ekoloġika ġusta, filwaqt li jisfruttaw is-sinerġiji bejn il-programmi u l-istrumenti disponibbli, u b’enfasi fuq ir-reġjuni u l-ekosistemi industrijali l-aktar affettwati, l-Istati Membri huma mistiedna:

(a)

jimplimentaw bis-sħiħ ir-riformi u l-investimenti rilevanti taħt il-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza, filwaqt li jiżguraw il-komplementarjetà ma’ fondi oħra;

(b)

jimmobilizzaw, u jiżguraw użu koerenti u ottimali tal-istrumenti rilevanti kollha u tal-għażliet ta’ finanzjament, inkluż l-assistenza teknika, fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni, sabiex jappoġġaw l-azzjonijiet u l-investimenti rilevanti; l-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, l-InvestEU, il-programm Orizzont Ewropa, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, l-ERASMUS+, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG), il-programm LIFE, il-Fond għall-Innovazzjoni u l-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(c)

jimpenjaw u jużaw riżorsi nazzjonali adegwati sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ settijiet komprensivi ta’ miżuri li jwasslu għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta; dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu ffinanzjati b’mod adegwat, inkluż billi tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika, jiġi mmobilizzat aktar finanzjament privat, u/jew jintuża introjtu pubbliku addizzjonali; b’mod partikolari l-introjtu mill- EU ETS jista’ jintuża wkoll biex jiffinanzja miżuri li jtaffu l-impatti soċjali negattivi tat-tranżizzjoni ekoloġika;. iqisu l-aspetti tal-impjiegi, dawk soċjali u distributtivi fl-iżvilupp ta’ prattiki ta’ bbaġitjar ekoloġiku;

(d)

jikkondividu l-aħjar prattiki ma’ Stati Membri oħra, pereżempju, dwar l-iżvilupp ta’ dokumenti ta’ programmazzjoni għal fondi individwali tal-Unjoni jew l-iżvilupp ta’ strateġiji u proġetti nazzjonali rilevanti.

AZZJONIJIET FUTURI GĦAL TRANŻIZZJONI EKOLOĠIKA ĠUSTA

(11)

Sabiex isegwi azzjonijiet utli ta’ segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li:

(a)

tkompli ttejjeb l-iskambji mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, man-nies u mal-komunitajiet ikkonċernati kif ukoll l-iskambji tal-aħjar prattiki, inkluż fil-kuntest tal-mogħdijiet ta’ tranżizzjoni tal-ekosistemi industrijali (62), b’mod partikolari f’kuntest transfruntier u b’enfasi fuq ir-reġjuni u s-setturi l-aktar affettwati;

(b)

tappoġġa t-titjib tal-adegwatezza, tal-konsistenza u tal-effettività tal-politiki ta’ tranżizzjoni ġusta tal-Istati Membri, inkluż għall-aspetti tal-impjiegi, dawk soċjali u distributtivi li għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali u tal-istrateġiji fit-tul, possibbilment ukoll fil-kuntest tar-rieżami futur tar-Regolament (UE) 2018/1999 kif xieraq;

(c)

tikkunsidra, fir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (63) li ser issir fid-dawl tal-iskadenza tiegħu fi tmiem l-2023, jekk l-evidenza disponibbli tiġġustifikax li jiġu ffaċilitati r-regoli fir-rigward tal-għajnuna għall-aċċess tal-intrapriżi soċjali għall-finanzjament u fir-rigward tal-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew żvantaġġati serjament; (64)

(d)

issaħħaħ il-bażi ta’ data, b’mod partikolari billi taċċessa sorsi ta’ data amministrattiva u, fejn rilevanti, data minn sħab soċjali, industriji, soċjetà ċivili (65), u stħarriġ dwar l-opinjoni pubblika, u taġġorna l-gwida metodoloġika għall-valutazzjoni tal-impatti fuq l-impjiegi, dawk soċjali u distributtivi ta’ tranżizzjoni ġusta u politiki dwar il-klima u l-enerġija, inkluż b’perspettiva tal-ġeneru u fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif xieraq; issaħħaħ ukoll l-għarfien u l-kejl ta’ kunċetti ewlenin tal-ekonomija ekoloġika, b’mod partikolari ta’ impjiegi “ekoloġiċi” u “sostenibbli” kif rilevanti, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u b’kont meħud tal-approċċi u l-proċessi fil-livelli kollha, anke sabiex tiġi antiċipata l-bidla fis-suq tax-xogħol u jiġu indirizzati b’mod ġenerali l-proċessi ta’ ristrutturar li ser jeħtieġu politiki mmirati u effettivi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid;

(e)

ittejjeb, fejn rilevanti, l-analiżi regolari tagħha tal-monitoraġġ u tal-previżjoni dwar l-iżviluppi u r-riskji tal-faqar enerġetiku fl-Unjoni, inklużi l-aspetti soċjali u distributtivi, ukoll sabiex tinforma l-ħidma tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Faqar Enerġetiku u l-Konsumaturi Vulnerabbli u gruppi ta’ esperti rilevanti oħra;

(f)

tiżviluppa ulterjorment ir-riċerka u ssaħħaħ l-evidenza dwar id-definizzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress lejn il-provvediment ta’ aċċess adegwat għal servizzi essenzjali, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u b’kont meħud ta’ approċċi nazzjonali, anke billi tiżviluppa l-kunċett ta’ “faqar fit-trasport” jekk xieraq, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija sostenibbli ta’ benesseri.

(g)

tirrieżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni kif xieraq fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali fis-Semestru Ewropew, inkluż fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali f’kooperazzjoni ma’ kumitati rilevanti oħra fl-oqsma ta’ kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, filwaqt li jibnu fuq tabelli ta’ valutazzjoni u oqfsa ta’ monitoraġġ eżistenti, estiżi b’indikaturi addizzjonali fejn meħtieġ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri; tikkunsidra l-gwida pprovduta f’din ir-Rakkomandazzjoni fir-rigward tar-Regolament (UE) 2018/1999, b’mod partikolari bħala parti mill-valutazzjonijiet tagħha matul l-aġġornament li ġej tan-NECPs fl-2023-2024.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

O. DUSSOPT


(1)  IPCC, 2021: It-Tibdil fil-Klima 2021: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika. Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I għas-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima.

(2)  Szewczyk, W., Feyen. L., Matei, A., Ciscar, J.C., Mulholland, E., Soria, A. (2020), Economic analysis of selected climate impacts, Publications Office of the European Union, Luxembourg, doi:10.2760/845605

(3)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(4)  Kummissjoni Ewropea (2021), PESETA IV study “Climate change impacts and adaptation in Europe”, Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Sevilla, http://ec.europa.eu/jrc/en/peseta-iv.

(5)  Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(6)  Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22)

(7)  Pereżempju fir-rigward tal-infrastruttura, l-Unjoni ser tkun teħtieġ madwar EUR 350 biljun f’investiment addizzjonali fis-sena matul dan id-deċennju sabiex tilħaq il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 fis-sistemi tal-enerġija biss, flimkien mal-EUR 130 biljun li huma merħtieġa għal għanijiet ambjentali oħrajn.

(8)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757, COM(2021) 551 final

(9)  Il-linji gwida jiddefinixxu l-kunċett ta’ tranżizzjoni ġusta u jitolbu lil dawk li jfasslu l-politika u lis-sħab soċjali jippromwovu tranżizzjoni ġusta fil-livell globali.

(10)  Ara d-dokument ST 14545/2018 REV 1.

(11)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat u ffirmat mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni fis-Summit ta’ Gothenburg f’Novembru 2017, huwa l-kumpass li jiggwida lill-Unjoni lejn Ewropa soċjali b’saħħitha.

(12)  Sabiex jintlaħaq dan l-għan ġenerali, l-Ewropa trid tistinka sabiex tal-anqas tnaqqas bin-nofs id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi meta mqabbla mal-2019; sabiex tnaqqas is-sehem taż-żgħażagħ (ta’ bejn il-15 u d-29 sena) barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs) għal 9 %; u sabiex iżżid il-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija formali tat-tfal (ECEC).

(13)  B’mod partikolari, mill-anqas 80 % ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena jenħtieġ li jkollhom ħiliet diġitali bażiċi, u t-tluq bikri mill-iskola jenħtieġ li jkompli jitnaqqas filwaqt li l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jenħtieġ li tiżdied.

(14)  Minn 15-il miljun persuna li għandhom jinħarġu mill-faqar jew mill-esklużjoni soċjali, mill-anqas 5 miljuni jenħtieġ li jkunu tfal.

(15)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021 intitolata “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika".

(16)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Komunikazzjoni “Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 - Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-poplu tagħna”, SWD(2020) 176 final. Projezzjonijiet ibbażati fuq E-QUEST bl-użu ta’ xenarju ta’ “tassazzjoni aktar baxxa ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet”.

(17)  Kummissjoni Ewropea (2019), “Sustainable growth for all: choices for the future of Social Europe, Employment and Social Developments in Europe 2019”, 4 ta’ Lulju 2019. Abbażi tal-analiżi fil-fond li takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2018) 773.

(18)  SWD(2020) 176 final.

(19)  SWD(2020) 176 final.

(20)  Kummissjoni Ewropea (2019), “Sustainable growth for all: choices for the future of Social Europe, Employment and Social Developments in Europe 2019”, Kapitolu 5, 4 ta’ Lulju 2019, u Kummissjoni Ewropea (2020), “Leaving no one behind and striving for more: fairness and solidarity in the European social market economy”, Employment and Social Developments in Europe 2020", Kapitolu 4.2.2, 15 ta’ Settembru 2020. Il-faqar ġenerali f’dan il-kuntest jitkejjel bl-użu tal-indikatur miftiehem għar-rata tar-riskju ta’ faqar, f’konformità mal-indikaturi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali u l-mira ewlenija tal-2030 relatata skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(21)  IEEP (2021), Green taxation and other economic instruments: internalising environmental costs to make the polluter pay.

(22)  Barra minn hekk, sa 6.2 % tal-persuni li jgħixu fl-Unjoni, jiġifieri aktar minn 27 miljun persuna, għandhom arretrati fil-ħlas tal-kontijiet tal-utilitajiet tagħhom.

(23)  Kummissjoni Ewropea, EPOV Annual Report: Addressing Energy Poverty in the European Union: State of Play and Action, 2019, p. 6.

(24)  Ara r-rapport tal-workshop dwar “Il-Faqar Enerġetiku”, organizzat fid-9 ta’ Novembru 2016 għall-Kumitat tal-PE dwar l-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE).

(25)  Ara Gender perspective on access to energy in the EU (europa.eu), Gender and energy| European Institute for Gender Equality (europa.eu), GFE-Gender-Issues-Note-Session-6.2.pdf (oecd.org).

(26)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(27)  Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(28)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 057 18.2.2021, p. 17).

(29)  B’mod partikolari l-Istrateġiji Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (ASGS) tal-2021 u tal-2022, ir-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro tal-2021, u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż.

(30)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).

(31)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 344, 19.10.2020, p. 22).

(32)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1868 tal-15 ta’ Ottubru 2021 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 379, 26.10.2021, p. 1).

(33)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 intitolata “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”.

(34)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 intitolata “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”

(35)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/C 417/01 tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).

(36)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 dwar Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (Ara l-paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(37)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (riformulazzjoni), COM(2021) 563 final, tipprevedi tali bidla fit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u l-elettriku lejn objettivi klimatiċi u ambjenta.

(38)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).

(39)  “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”, ipproklamat solennement mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, 17 ta’ Novembru 2017, prinċipju 20.

(40)  “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”, ipproklamat solennement mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, 17 ta’ Novembru 2017, prinċipju 19 (a).

(41)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni), COM(2021) 558 final.

(42)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni), COM(2021) 802 final

(43)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku (ĠU L 357, 27.10.2020, p. 35).

(44)  Barra mill-baġit tal-Unjoni u NextGenerationEU .

(45)  Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13)(“Ir-Regolament dwar it-Tassonomija”) jipprovdi sistema ta’ klassifikazzjoni komuni għal attivitajiet ekonomiċi sostenibbli.

(46)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(47)  Filwaqt li jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “klijenti vulnerabbli”, dan jinkludi unitajiet domestiċi li ma jistgħux isaħħnu jew ikessħu d-djar tagħhom b’mod adegwat u/jew li għandhom arretrati fil-ħlas tal-kontijiet tal-utilitajiet tagħhom f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku, C/2020/9600 final (ĠU L 357, 27.10.2020, p. 35).

(48)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315 14.11.2012, p. 1).

(49)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni), COM(2021) 558 final.

(50)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 intitolata“Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali”.

(51)  F’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70), u l-Avviż tal-Kummissjoni “Xiri Soċjali – Gwida biex jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku – It-tieni edizzjoni” (ĠU C 237, 18.6.2021, p. 1).

(52)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2018/C 153/01 tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(53)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2014/C 88/01 tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1).

(54)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment (Ara l-paġna 26 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(55)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ 16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (Ara l-paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(56)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2019/C 387/01 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).

(57)  F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2022 intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022”, kif applikabbli.

(58)  “Komunità tal-enerġija taċ-ċittadin” hija definita fl-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(59)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020“Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur”.

(60)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 intitolata “Il-Patt Klimatiku Ewropew”.

(61)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar il-governanza futura taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), li jiddeskrivu l-Aġenda ta’ Politika taż-ŻER 2022-24, inkluż l-azzjoni 4 għal karrieri fir-riċerka attraenti u sostenibbli, l-azzjoni 7 għal valorizzazzjoni aħjar tal-għarfien, l-azzjoni 12 għall-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika/diġitali, kif ukoll l-azzjoni 20 għall-investimenti u r-riformi fir-R&I.

(62)  Kif imħabbar fl-istrateġija industrijali aġġornata, bħall-kostruzzjoni, l-industriji intensivi fl-enerġija, jew il-mobbiltà.

(63)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1). (“ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa”)

(64)  F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 intitolata “Bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali”.

(65)  Imwettqa f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku, bħar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119 4.5.2016, p. 1) d-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/52


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10251 — INVIVO GROUP / ETABLISSEMENTS J SOUFFLET)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 243/05)

Fit 19 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fil-Franċiż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32021M10251. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/53


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-24 ta’ Ġunju 2022

(2022/C 243/06)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0524

JPY

Yen Ġappuniż

142,19

DKK

Krona Daniża

7,4398

GBP

Lira Sterlina

0,85773

SEK

Krona Żvediża

10,6940

CHF

Frank Żvizzeru

1,0072

ISK

Krona Iżlandiża

139,70

NOK

Krona Norveġiża

10,4345

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,731

HUF

Forint Ungeriż

401,34

PLN

Zloty Pollakk

4,7023

RON

Leu Rumen

4,9463

TRY

Lira Turka

18,2856

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5248

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3657

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,2609

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6731

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4620

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 364,09

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

16,7137

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,0478

HRK

Kuna Kroata

7,5295

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 633,96

MYR

Ringgit Malażjan

4,6327

PHP

Peso Filippin

57,830

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

37,360

BRL

Real Brażiljan

5,4851

MXN

Peso Messikan

20,9901

INR

Rupi Indjan

82,3985


(1)  Sors: rata tal-kambju ta’ referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/54


Sommarju ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali minn 24 Gunju 2022 sa 24 Gunju 2022

(Ippubblikat skont l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jew L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2))

(2022/C 243/07)

Ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill): Aċċettat

Data tad-deċiżjoni

 

Isem tal-prodott mediċinali

INN (Denominazzjoni Internazzjonali Komuni)

Detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq

Numru tal-entrata fir-Reġistru Komunitarju

Forma farmaċewtika

Kodiċi ATC (Kodiċi Anatomiku Terapewtiku Kimiku)

Data ta’ notifika

24.6.2022

COVID-19 Vaccine (inactivated, adjuvanted) Valneva

Vaċċin kontra l-COVID-19 (inattivat, b’aġġuvanti, adsorbit)

Valneva Austria GmbH Campus Vienna Biocenter 3, 1030 Wien, Österreich

EU/1/21/1624

Suspensjoni għall-injezzjoni

J07BX03

24.6.2022


(1)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/55


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10764 – SAGARD / BPIFRANCE / ADIT JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 243/08)

1.   

Fis-16 ta’ Ġunju 2022 il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Sagard SAS (“Sagard”, Franza),

Bpifrance Investissement (“Bpifrance”, Franza),

Groupe ADIT (Franza).

Sagard u Bpifrance jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab tal-Groupe ADIT.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Sagard: kumpanija ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment, attiva prinċipalment fi Franza. Hija kkontrollata mill-Power Corporation Group fil-Kanada, kumpanija internazzjonali tal-ġestjoni tas-servizzi finanzjarji u tal-portafoll fl-Amerka ta’ Fuq, fl-Ewropa u fl-Asja.

Bpifrance: kumpanija ta’ ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment attiva fi Franza. Bpifrance hija finalment ikkontrollata bi sħab mill-Istat Franċiż u mill-Caisse des Dépôts et des Consignations, korp pubbliku attiv fil-ġestjoni ta’ fondi privati.

Groupe ADIT huwa attiv fis-setturi tal-konsulenza strateġika u s-sigurtà tan-negozju, prinċipalment fl-Unjoni Ewropea.

3.   

Wara analiżi preliminari, il-Kummissjoni ssib li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Dawn il-kummenti jeħtieġ li jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara id-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10764 – SAGARD / BPIFRANCE / ADIT JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

Commission européenne

Direction générale de la concurrence

Greffe des concentrations

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24 tad-29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/57


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10785 – ICG / KONECTA / COMDATA)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 243/09)

1.   

Fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Intermediate Capital Group, plc (“ICG”, ir-Renju Unit),

Grupo Konectanet, S.L.U (“Konecta”, Spanja),

Comdata, S.p.A (“Comdata”, l-Italja).

ICG takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Konecta u Comdata.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

ICG hija ditta tal-investiment u maniġer tal-assi, bi preżenza fl-Ewropa, l-Asja tal-Paċifiku u l-Istati Uniti tal-Amerka,

Konecta huwa fornitur ta’ servizzi ta’ esternalizzazzjoni tal-proċess tan-negozju fl-Ewropa u fl-Amerka Latina. Konecta bħalissa hija kkontrollata bi sħab minn ICG,

Comdata hija fornitur ta’ servizzi esternalizzazzjoni ta’ proċessi ta’ negozju b’attivitajiet fl-Afrika, fl-Ewropa u fl-Amerka Latina.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10785 – ICG / KONECTA / COMDATA

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/59


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10749 — PAI PARTNERS / THE CARLYLE GROUP / THERAMEX)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 243/10)

1.   

Fl-20 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

PAI Partners SAS (“PAI Partners”, Franza),

The Carlyle Group, Inc. (“Carlyle”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Theramex Healthcare Topco Limited (“Theramex”, ir-Renju Unit).

PAI Partners u Carlyle jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Theramex kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

PAI Partners hija ditta ta’ ekwità privata li tamministra għadd ta’ fondi li jinvestu fis-setturi tas-servizzi tan-negozju, tal-ikel u tal-konsumatur, industrijali ġenerali, u tal-kura tas-saħħa,

Carlyle hija maniġer tal-assi alternattivi globali, li tiġġestixxi fondi li jinvestu globalment fi tliet dixxiplini ta’ investiment: (i) Ekwità Privata Globali (inklużi fondi ta’ ekwità privata korporattiva, proprjetà immobbli u riżorsi naturali); (ii) Kreditu Globali (inkluż kreditu likwidu, kreditu mhux likwidu u kreditu ta’ assi reali); u (iii) Soluzzjonijiet ta’ Investiment (programm tal-fond ta’ fondi ta’ ekwità privata, li jinkludu fond primarju, attivitajiet ta’ koinvestiment sekondarji u relatati),

Theramex hija kumpanija farmaċewtika ta’ speċjalità globali attiva fis-saħħa tan-nisa, li tiffoka fuq il-kontraċezzjoni, il-fertilità, il-menopawża u l-osteoporożi. Il-kumpanija tikkummerċjalizza firxa wiesgħa ta’ prodotti ġeneriċi tad-ditta u tad-ditta f’bosta pajjiżi fiż-ŻEE u globalment.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10749 — PAI PARTNERS / THE CARLYLE GROUP / THERAMEX

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/61


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10758 – EIM / BROOKFIELD / NIELSEN)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 243/11)

1.   

Fl-20 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Elliott Investment Management L.P. (“EIM”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Brookfield Private Equity Holdings LLC (“BPEH”), ikkontrollata minn Brookfield Asset Management Inc. (“Brookfield”, it-tnejn li huma l-Kanada),

Nielsen Holdings Plc (“Nielsen”, l-Istati Uniti tal-Amerka).

EIM u BPEH jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Nielsen kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

BPEH: sussidjarja ta’ Brookfield, li tipprovdi servizzi ta’ ġestjoni tal-assi, iffukati fuq il-proprjetà immobbli, l-infrastruttura, l-enerġija rinnovabbli, u l-ekwità privata,

EIM: ditta ta’ investiment iffukata fuq attivitajiet ta’ ġestjoni tal-investimenti u tar-riskji

Nielsen: kumpanija tal-għarfien tal-udjenza globali, tad-data, u tal-analitika, li tipprovdi kejl tal-udjenza, ippjanar tal-media, ottimizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, u soluzzjonijiet ta’ metadata tal-kontenut.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10758 – EIM / BROOKFIELD / NIELSEN

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.