ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 225

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
9 ta' Ġunju 2022


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 225/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10579 — PON HOLDING / AUTOHAUS ADELBERT MOLL / FLEXXDRIVE) ( 1 )

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il–Kunsill

2022/C 225/02

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju 2022 li taħtar membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentary

2

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 225/03

Rata tal-kambju tal-euro — It-8 ta’ Ġunju 2022

5

 

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2022/C 225/04

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (Prüm II) (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

6


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2022/C 225/05

Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

10

2022/C 225/06

AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA — Indikazzjonijiet Ġeografiċi mir-Repubblika tal-Użbekistan biex ikunu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea

14


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10579 — PON HOLDING / AUTOHAUS ADELBERT MOLL / FLEXXDRIVE)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 225/01)

Fit 30 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tas-sit web tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Dan is-sit web jipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fis-sit web EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32022M10579. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il–Kunsill

9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Ġunju 2022

li taħtar membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentary

(2022/C 225/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1a), il-punt (c), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-lista ta’ kandidati ppreżentata lill-Kunsill mill-Kummissjoni Ewropea b’ittra datata l-20 ta’ Jannar 2022,

Wara li kkunsidra l-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew b’ittra datata t-18 ta’ Mejju 2022,

Billi:

(1)

Huwa essenzjali li jiġu żgurati l-indipendenza, il-kwalità xjentifika għolja, it-trasparenza u l-effiċjenza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Huwa wkoll indispensabbli li tiġi żgurata l-kooperazzjoni tal-EFSA mal-Istati Membri.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, fost l-oħrajn, il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA.

(3)

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2019/1381, il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA fil-kariga fit-30 ta’ Ġunju 2022 ser jiskadi f’dik id-data. Il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA li l-mandat tagħhom jibda fl-1 ta’ Lulju 2022 jeħtieġ li jiġu appuntati f’konformità mal-proċedura l-ġdida għan-nomina u l-ħatra introdotta bir-Regolament (UE) 2019/1381.

(4)

Il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2022 (3), diġà ħatar lir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA.

(5)

il-proċedura l-ġdida għan-nomina u l-ħatra introdotta bir-Regolament (UE) 2019/1381tirrikjedi li l-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA jinkludi wkoll erba’ membri u erba’ membri supplenti bid-dritt tal-vot bħala r-rappreżentanti tal-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentari, jiġifieri membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet ambjentali nongovernattivi, membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet tal-bdiewa, u membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet industrijali.

(6)

Il-membri u l-membri supplenti li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentari jinħatru mill-Kunsill f’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew abbażi ta’ lista mfassla mill-Kummissjoni. Il-mandat tagħhom huwa ta’ erba’ snin u jista’ jiġġedded għal darba biss.

(7)

Il-kandidati inklużi fil-lista ppreżentata mill-Kummissjoni ntgħażlu wara sejħa għal espressjoni ta’ interess abbażi tal-esperjenza u l-għarfien espert rilevanti tagħhom fil-qasam tal-liġi u l-politika tal-katina alimentari, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju, kif ukoll l-għarfien espert rilevanti fl-oqsma ta’ kwistjonijiet maniġerjali, amministrattivi, finanzjarji u legali.

(8)

Il-lista ppreżentata mill-Kummissjoni ġiet eżaminata, bil-ħsieb li jinħatru l-erba’ membri u l-erba’ membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentari, abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u fid-dawl tal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew. Il-ħatra, permezz ta’ din id-Deċiżjoni, ta’ dawk il-membri u l-membri supplenti tkompli tiżgura l-ogħla standard ta’ kompetenza u l-aktar firxa wiesgħa ta’ esperjenza u għarfien espert rilevanti disponibbli fil-qasam tal-liġi u l-politika tal-katina alimentari, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm għarfien espert rilevanti fl-oqsma ta’ kwistjonijiet maniġerjali, amministrattivi, finanzjarji u legali fi ħdan il-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħturin bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2026:

Kategorija

Membri

Membri supplenti

Organizzazzjonijiet tal-konsumatur

Is-Sa Floriana CIMMARUSTI

Is-Sa Eleni IOANNOU

Organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi

Is-Sur Xavier GABARRELL DURANY

Is-Sa Apolline ROGER

Organizzazzjonijiet tal-bdiewa

Is-Sa Annette TOFT

Is-Sa Maira DZELZKALĒJA-BURMISTRE

Organizzazzjonijiet tal-industrija

Is-Sa Rebeca FERNANDEZ

Is-Sur Dimitrios LADIKOS

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DE MONTCHALIN


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ April 2022 li taħtar rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (ĠU C 159, 12.4.2022, p. 6).


Il-Kummissjoni Ewropea

9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-8 ta’ Ġunju 2022

(2022/C 225/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0739

JPY

Yen Ġappuniż

143,92

DKK

Krona Daniża

7,4386

GBP

Lira Sterlina

0,85575

SEK

Krona Żvediża

10,4938

CHF

Frank Żvizzeru

1,0486

ISK

Krona Iżlandiża

138,90

NOK

Krona Norveġiża

10,1395

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,622

HUF

Forint Ungeriż

391,25

PLN

Zloty Pollakk

4,5698

RON

Leu Rumen

4,9450

TRY

Lira Turka

18,4530

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4917

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3467

HKD

Dollaru ta’ Hong Kong

8,4275

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6644

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,4769

KRW

Won tal-Korea t’Isfel

1 349,34

ZAR

Rand ta’ l-Afrika t’Isfel

16,4626

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,1785

HRK

Kuna Kroata

7,5215

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 577,86

MYR

Ringgit Malażjan

4,7187

PHP

Peso Filippin

56,799

RUB

Rouble Russu

 

THB

Baht Tajlandiż

37,076

BRL

Real Brażiljan

5,2447

MXN

Peso Messikan

21,0458

INR

Rupi Indjan

83,4140


(1)  Sors: rata tal-kambju ta’ referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/6


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”)

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

(2022/C 225/04)

Fit-8 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”), li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, 2019/817 u 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-hekk imsejħa “Deċiżjonijiet ta’ Prüm”). Il-Proposta hija parti minn pakkett leġiżlattiv akbar, imsejjaħ “Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE”, li jinkludi wkoll Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (soġġett għal opinjoni separata tal-EDPS), u Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija.

L-objettiv tal-Proposta huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika (marki tas-swaba’), immaġnijiet tal-wiċċ, rekords tal-pulizija u ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, kif ukoll l-iskambju ta’ data wara t-tqabbil.

Filwaqt li l-EDPS jifhem il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jibbenefikaw mill-aħjar għodod legali u tekniċi possibbli biex jidentifikaw, jinvestigaw u jipprevjenu r-reati, huwa jinnota li l-qafas il-ġdid propost ta’ Prüm ma jistabbilixxix b’mod ċar elementi essenzjali tal-iskambju tad-data, bħat-tipi ta’ reati, li jistgħu jiġġustifikaw domanda, u mhuwiex ċar biżżejjed dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suġġetti tad-data affettwati mill-iskambju awtomatiku ta’ data, eż. jekk il-bażijiet tad-data, soġġetti għal domanda, fihomx data biss ta’ persuni suspettati u/jew misjuba ħatja, jew anke data ta’ suġġetti oħra tad-data, bħall-vittmi jew ix-xhieda.

L-EDPS iqis b’mod partikolari li t-tiftix awtomatizzat tal-profili tad-DNA u tal-immaġnijiet tal-wiċċ għandu jkun possibbli biss fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet individwali dwar reati serji, minflok kwalunkwe reat kriminali, kif previst fil-Proposta. Barra minn hekk, l-EDPS iqis li huwa meħtieġ li fil-Proposta jiġu introdotti rekwiżiti u kundizzjonijiet komuni dwar id-data fil-bażijiet tad-data nazzjonali li jsiru aċċessibbli għal tfittxijiet awtomatizzati, filwaqt li jitqies kif xieraq l-obbligu skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi 680/2016 (LED) biex issir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data (jiġifieri kriminali misjuba ħatja, suspettati, vittmi, eċċ.).

L-EDPS huwa mħasseb ukoll dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati mit-tiftix u l-iskambju awtomizzati proposti tar-rekords tal-pulizija. Huwa jqis li l-ħtieġa tat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati proposti tad-data tar-rekords tal-pulizija ma tintweriex biżżejjed. Jekk miżura bħal din tiġi madankollu adottata, anki fuq bażi volontarja, f’dak il-każ ikunu meħtieġa salvagwardji b’saħħithom addizzjonali biex ikun hemm konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, minħabba l-isfidi tal-kwalità tad-data, ir-Regolament futur għandu, fost l-oħrajn, jiddefinixxi b’mod espliċitu t-tipi u/jew il-gravità tar-reati li jistgħu jiġġustifikaw domanda awtomatizzata fir-rekords nazzjonali tal-pulizija.

Fir-rigward tal-inklużjoni tal-Europol fil-qafas ta’ Prüm, l-EDPS iqis li l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 4/2021 dwar il-Proposta għal Emenda tar-Regolament tal-Europol jibqgħu validi bis-sħiħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Prüm, b’mod partikolari dawk relatati mal-hekk imsejħa “sfida tal-big data”, jiġifieri l-ipproċessar mill-Aġenzija ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi. L-EDPS jixtieq ifakkar tnejn mill-messaġġi ewlenin fl-Opinjoni dwar il-Europol: b’setgħat aktar b’saħħithom dejjem għandu jkun hemm sorveljanza aktar b’saħħitha, u, ugwalment importanti, kwalunkwe eċċezzjoni applikabbli fil-forma ta’ derogi ma għandhiex titħalla ssir ir-regola.

Il-Proposta tipprevedi arkitettura kumplessa għat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati ta’ data fi ħdan il-qafas ta’ Prüm bi tliet soluzzjonijiet tekniċi separati, żviluppati u miżmuma minn tliet entitajiet differenti. L-EDPS iqis li l-Proposta għandha tkun aktar espliċita fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari fl-EUCARIS, li mhijiex ibbażata fuq il-liġi tal-UE u għandha natura intergovernattiva. Barra minn hekk, l-EDPS huwa tal-fehma li, minħabba l-iskala u s-sensittività tal-ipproċessar tad-data personali, il-mudell ta’ governanza orizzontali propost tal-qafas ta’ Prüm mhuwiex xieraq u għandu jissaħħaħ aktar, eż. billi jiġi assenjat rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni lil entità tal-UE, eż. il-Kummissjoni.

Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-EDPS iqis li r-relazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-Proposta mal-qafas legali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data fl-UE, b’mod partikolari l-LED u r-Regolament (UE) 1725/2018 (EUDPR), għandha tiġi ċċarata b’mod espliċitu.

L-Opinjoni tanalizza u tipprovdi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi oħra, bħar-rabta tal-qafas ta’ Prüm mal-qafas ta’ interoperabbiltà, it-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew is-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar għall-finijiet ta’ kooperazzjoni ta’ Prüm.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

1.

Fit-8 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”), li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, 2019/817 u 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-“Proposta”) (1).

2.

Il-Proposta hija parti minn pakkett leġiżlattiv akbar, imsejjaħ “Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE”, li jinkludi wkoll:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (2), u

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija (3).

3.

L-objettiv tal-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi madwar l-Istati Membri u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (4). F’dan ir-rigward, il-Proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika (marki tas-swaba’), immaġnijiet tal-wiċċ, rekords tal-pulizija u ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u l-iskambju ta’ data wara tqabbil bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

4.

Il-Proposta, kif ukoll il-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE b’mod aktar ġenerali, hija marbuta mal-għanijiet ta’ politika ta’ diversi dokumenti strateġiċi tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, b’mod partikolari l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (5), l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (6) u l-Istrateġija dwar iż-żona Schengen tal-2021 (7). Barra minn hekk, il-proposti li jistabbilixxu l-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija għandhom jitqiesu fid-dawl tar-riforma li għaddejja tal-Europol u r-rwol dejjem akbar tal-Aġenzija bħala hub ċentrali ta’ informazzjoni kriminali tal-Unjoni, li tiġbor u tipproċessa ammonti dejjem akbar ta’ data (8).

5.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-EDPS dwar il-Proposta għar-Regolament Prüm II fil-5 ta’ Jannar 2022, skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni huma limitati għad-dispożizzjonijiet fil-Proposta li huma l-aktar rilevanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data.

4.   KONKLUŻJONIJIET

73.

Il-qafas il-ġdid propost ta’ Prüm ma jistabbilixxix b’mod ċar elementi essenzjali tal-iskambju ta’ data, bħat-tipi ta’ reati, li jistgħu jiġġustifikaw domanda (tfittxija), speċjalment tal-profili tad-DNA, jiġifieri kwalunkwe reat kriminali jew reati aktar serji biss. Barra minn hekk, il-Proposta mhijiex ċara dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suġġetti tad-data affettwati mill-iskambju awtomatiku tad-data, jiġifieri jekk il-bażijiet tad-data, soġġetti għal domanda, fihomx data biss ta’ persuni suspettati u/jew misjuba ħatja, jew ukoll data ta’ suġġetti oħra tad-data, bħall-vittmi jew ix-xhieda.

74.

Sabiex jiġu żgurati l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-interferenza mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwa essenzjali li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tal-miżuri, jiġifieri l-kategoriji tas-suġġetti tad-data li se jiġu affettwati direttament, u l-kundizzjonijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw domanda awtomatizzata fil-bażi tad-data rispettiva ta’ Stati Membri oħra jew tal-Europol.

75.

L-EDPS iqis b’mod partikolari li t-tiftix awtomatizzat tal-profili tad-DNA u tal-immaġnijiet tal-wiċċ għandu jkun possibbli biss fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet individwali ta’ reati serji, u mhux ta’ kwalunkwe reat kriminali, kif previst fil-Proposta. Barra minn hekk, f’konformità mal-obbligu skont l-Artikolu 6 tal-LED biex issir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, il-Proposta għandha tipprevedi limitazzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li l-profili tad-DNA u l-immaġnijiet tal-wiċċ tagħhom, maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali, għandha ssir aċċessibbli għal tfittxijiet awtomatizzati, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-limitazzjoni tal-iskop inerenti għal data minn kategoriji oħra minbarra kriminali misjuba ħatja jew suspettati.

76.

L-EDPS iqis li l-ħtieġa tat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati proposti tad-data tar-rekords tal-pulizija ma tintweriex biżżejjed. Madankollu, jekk tali miżura tiġi adottata, anki fuq bażi volontarja, imbagħad ikunu meħtieġa salvagwardji b’saħħithom addizzjonali sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, minħabba l-isfidi tal-kwalità tad-data, li ma jistgħux jiġu solvuti b’miżuri tekniċi bħall-psewdonimizzazzjoni biss, ir-Regolament futur għandu bħala minimu jistabbilixxi t-tipi u/jew il-gravità tar-reati li jistgħu jiġġustifikaw tfittxija awtomatizzata fir-rekords nazzjonali tal-pulizija.

77.

Fir-rigward tal-inklużjoni tal-Europol fil-qafas ta’ Prüm, l-EDPS iqis li l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 4/2021 dwar il-Proposta għal Emenda tar-Regolament tal-Europol jibqgħu validi bis-sħiħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Prüm, b’mod partikolari dawk relatati mal-ipproċessar ta’ settijiet ta’ data kbar mill-Aġenzija. Barra minn hekk, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni personali, jiġifieri li jiġu speċifikati l-kategoriji tas-suġġetti tad-data soġġetti għal tfittxijiet skont l-Artikolu 49 u l-Artikolu 50, kif ukoll l-allinjament tal-perjodi ta’ żamma għar-reġistri, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament tal-Europol.

78.

Il-Proposta tipprovdi arkitettura kumplessa għat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati ta’ data fi ħdan il-qafas ta’ Prüm bi tliet soluzzjonijiet tekniċi separati, żviluppati u miżmuma minn tliet entitajiet differenti. Barra minn hekk, wieħed minnhom - EUCARIS - mhuwiex ibbażat fuq att legali tal-UE iżda għandu natura intergovernattiva. Għalhekk, l-EDPS iqis li l-Proposta għandha tindirizza b’mod espliċitu r-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data personali fil-EUCARIS. Barra minn hekk, l-EDPS iqis li, minħabba l-iskala u s-sensittività tal-ipproċessar tad-data personali, il-mudell ta’ governanza orizzontali attwali tal-qafas ta’ Prüm mhuwiex xieraq u għandu jissaħħaħ aktar, eż. billi jiġi assenjat rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni lil entità tal-UE, bħall-Kummissjoni.

79.

Element importanti ieħor tal-Proposta, li jeħtieġ analiżi bir-reqqa tal-implikazzjonijiet tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali, huwa l-allinjament tal-qafas ta’ Prüm mal-qafas ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni. L-EDPS jistieden lill-koleġiżlatur iqis il-ħtieġa ta’ regoli addizzjonali f’dan ir-rigward, eż. f’att ta’ implimentazzjoni jew delegat, li għandu jindirizza sfidi speċifiċi bħall-kwalità u l-prestazzjoni tal-algoritmi korrispondenti għall-immaġnijiet tal-wiċċ.

80.

Filwaqt li jitqies li l-bażi ġuridika tal-Proposta tinkludi, inter alia, l-Artikolu 16 tat-TFUE, fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza, l-EDPS jirrakkomanda li fil-Proposta jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-Kapitolu 6 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-LED u tal-EUDPR, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi taħt il-qafas ta’ Prüm.

81.

Barra minn hekk, l-EDPS iqis li r-rekwiżit għal awditi regolari tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tar-Regolament Prüm II għandu jiġi estiż u għandu jkopri wkoll l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali fil-livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-EDPS jirrakkomanda li l-Artikolu 60(2) tal-Proposta jirreferi b’mod ġenerali għas-setgħat tal-EDPS, skont l-Artikolu 58 tal-EUDPR, u mhux biss għal xi wħud minnhom.

Brussell, 2 ta’ Marzu 2022

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


(1)  COM(2021) 784 final.

(2)  COM(2021) 782 final.

(3)  COM(2021) 780 final.

(4)  https://ec.europa.eu/home-affairs/news/boosting-police-cooperation-across-borders-enhanced-security-2021-12-08_en

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM/2020/605 final.

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, COM/2021/170 final.

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ”, COM/2021/277 final.

(8)  Għal aktar informazzjoni ara l-Opinjoni tal-EDPS 4/2021, https://edps.europa.eu/system/files/2021-03/21-03-08_opinion_europol_reform_en.pdf


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/10


Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku emendat wara l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(2022/C 225/05)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultata fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Mortadella Bologna”

Nru tal-UE: PGI-IT-0325-AM02 - 17.11.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Mortadella Bologna”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2: Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta tinħareġ għall-konsum, il-“Mortadella Bologna” jkollha l-karatteristiċi organolettiċi, kimiċi u fiżikokimiċi li ġejjin:

Karatteristiċi organolettiċi:

Dehra ta’ barra: forma ovali jew ċilindrika;

Konsistenza: soda u ma timmollax;

Dehra mal-qtugħ: il-wiċċ maqtugħ irid ikun lixx b’kulur roża jgħajjat uniformi. Il-flieli għandu jkollhom forom ta’ tessut xaħmi bojod lewn il-perla (mill-inqas 15 % tal-massa totali), possibbilment mat-tessut tal-muskoli. Il-kaxxi għandhom ikunu distribwiti tajjeb u għandhom jeħlu malajr mal-bqija. M’għandux ikun hemm balal ta’ xaħam jew ġelatina u l-film żejtni għandu jkun minimu; Kulur: roża jgħajjat uniformi;

Aroma: riħa aromatika karatteristika;

Togħma: delikata karatteristika mingħajr traċċi ta’ duħħan;

Karatteristiċi kimiċi u fiżikokimiċi:

Total ta’ proteini: minimu ta’ 14,50 %

Proporzjon kollaġen/proteini: massimu ta’ 0,18;

Proporzjon ilma/proteini: massimu ta’ 4,10;

Proporzjon xaħmijiet/proteini: massimu ta’ 2,00;

pH: minimu ta’ 6;

Melħ: massimu 2,8 %.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Mortadella Bologna” tikkonsisti f’taħlita ta’ laħam tal-majjal li jinkiseb minn muskoli strijati minn karkassi, li jingħaddew minn magna tal-ikkapuljat biex isiru biċċiet fini, kubi tax-xaħam mill-għonq tal-ħanżir, melħ u bżar (sħiħ, f’biċċiet jew fi trab), mimlijin f’budellat naturali jew sintetiku permeabbli għall-fwar tal-ilma u msajrin għal perjodu estiż fi fran tal-arja xotta. Dan il-proċess għandu jiżgura li l-prodott lest jitlef mill-inqas 3 % tal-piż tal-prodott fil-budellat qabel it-tisjir. Barra minn hekk jistgħu jintużaw ukoll: stonkijiet tal-ħnieżer bil-mukus imneħħi, xaħam iebes tal-majjal, ilma skont prattika industrijali tajba, aromatizzanti naturali (mhux aktar minn 0,3 % tal-piż totali tat-taħlita), ħwawar u ħxejjex aromatiċi, pistaċċi, zokkor sa massimu ta’ 0,5 %, nitrit tas-sodju u/jew tal-potassju sa massimu ta’ 140 ppm, u aċidu askorbiku u l-melħ tas-sodju tiegħu. It-taħwir bl-affumikazzjoni, il-polifosfati, l-għajnuniet għall-ipproċessar u kwalunkwe sustanza li għandha effett, anki sekondarju, fuq il-kulur tal-prodott mhumiex permessi. Laħam li jiġi separat b’mod mekkaniku ma jistax jintuża f’dan il-prodott.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Mortadella Bologna”, mill-preparazzjoni tat-taħlita sa tmiem il-fażi tat-tkessiħ, iridu jsiru fiż-żona tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4 ta’ dan id-dokument.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Mortadella Bologna” tista’ tinħareġ għall-konsum mingħajr imballaġġ għat-tfettit, ippakkjata bil-vakwu jew ippakkjata f’atmosfera modifikata, sħiħa, f’porzjonijiet, jew imqattgħa. L-ippakkjar, it-tfettit u t-tqattigħ f’porzjonijiet għandhom isiru, taħt is-superviżjoni tal-korp ta’ kontroll, fiż-żona tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4 ta’ dan id-dokument biss.

Il-“Mortadella Bologna” hija prodott delikat ħafna li huwa sensittiv għall-aġenti esterni, b’mod partikolari d-dawl u l-arja. Il-preparazzjoni tal-“Mortadella Bologna” għat-tfettit tfisser li l-budellat irid jitneħħa; b’konsegwenza, il-prodott kollu jkun espost direttament għall-arja u d-dawl. L-espożizzjoni tal-prodott għal aġenti esterni, f’kundizzjonijiet mhux ikkontrollati, tikkawża ossidazzjoni, li tbiddel b’mod irriversibbli l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott, u b’mod partikolari, twassal biex il-flieli jiskuraw u r-riħa u t-togħma jiddeterjoraw. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa essenzjali li t-tfettit isir fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni, wara li tkun intemmet il-fażi tat-tkessiħ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-isem tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Mortadella Bologna” ma jistax jiġi tradott u għandu jidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u li ma jitħassrux, jingħaraf b’mod ċar minn kwalunkwe kliem ieħor, u segwit immedjatament mill-kliem “Indicazione Geografica Protetta” [Indikazzjoni Ġeografika Protetta] u/jew l-abbrevjazzjoni “IGP” [IĠP], li trid tiġi tradotta fil-lingwa li fiha jiġi kkummerċjalizzat il-prodott. Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista. L-użu ta’ indikazzjonijiet li jagħmlu referenza għal ismijiet, ismijiet ta’ negozji jew ditti privati huwa awtorizzat, dejjem jekk ma jkollhomx għan ta’ ftaħir u ma jkunux intenzjonati li jqarrqu bil-konsumatur.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Mortadella Bologna” tinkludi t-territorju tar-reġjuni jew tal-provinċji li ġejjin: l-Emilia-Romagna, il-Piemonte, il-Lombardia, il-Veneto, il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento, it-Toskana, il-Marche u l-Lazio.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn il-“Mortadella Bologna” u ż-żona ġeografika tagħha tissejjes fuq ir-reputazzjoni u l-kwalità eċċellenti tal-prodott, li huma fatturi li jirriżultaw mill-għarfien espert u l-ħiliet speċifiċi tal-produtturi.

Ir-rabta maż-żona tal-produzzjoni tinħoloq mill-ħiliet tekniċi tal-produtturi, li maż-żmien urew li huma ħaddiema tas-sengħa li ppermettew il-kontinwazzjoni ta’ tekniki tal-ipproċessar li huma perfettament adattati għat-tradizzjoni stabbilita sew. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-mortadella ordinarja, il-“Mortadella Bologna” trid issir skont proċedura ħafna aktar stretta li tikkorrispondi għall-metodu użat għal sekli sħaħ fiż-żona ġeografika ddefinita. B’din il-proċedura jkunu jistgħu jiġu żviluppati l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, b’mod partikolari l-konsistenza, il-kulur u l-proprjetajiet organolettiċi tiegħu.

It-twettiq kif suppost ta’ ċerti passi tal-produzzjoni, bħall-ikkapuljar, jagħti lill-prodott is-solidità tipika tiegħu, li tista’ tiġi nnutata kemm mill-istat kompressat tal-prodott kif ukoll waqt li wieħed jomogħdu. Ir-restrizzjonijiet teknoloġiċi imposti f’dan l-istadju jippermettu wkoll li fi tmiem il-proċess tal-produzzjoni, jiżviluppa kulur roża partikolarment jgħajjat u omoġenju.

Dan ta’ hawn fuq, jattestawh u jirrikonoxxuh xi pubblikazzjonijiet speċjalizzati. Pereżempju, il-paragrafu li ġej: “Il-laħam dgħif nej jitqatta’ f’biċċiet ta’ inqas minn millimetru fil-magna tal-ikkapuljat; jekk dan l-istadju jsir b’mod żbaljat, ikollu effett negattiv fuq il-kulur, it-tleqqija u l-konsistenza tal-mortadella” meħud mill-ktieb Mortadella che passione [Entużjażmu għall-Mortadella] ta’ C. Marconi u G. Roversi (CAIRO, Milan 2015), speċifikament it-taqsima dwar il-proċess tal-produzzjoni tal-IĠP “Mortadella Bologna” fil-Kapitolu 2 “Come si fa la mortadella IGP” [Kif issir il-Mortadella IĠP], p. 65 et seq.

Barra minn hekk, il-proċess tat-tisjir huwa fattur kruċjali ieħor biex jinkiseb prodott lest tal-aqwa kwalità. Huwa proċess kajman, li t-tul tiegħu jvarja skont id-dijametru tal-prodott fil-budellat, li jippermettilu jiżviluppa l-kulur u l-firxa ta’ aromi li jiddistingwu l-“Mortadella Bologna”. L-estratt li ġej jikkonferma dan: “Tradizzjonalment, il-mod kif tissajjar il-mortadella huwa definit bħala‘stufatura’, minħabba li tissajjar bil-mod u għal perjodu twil f’temperatura baxxa. Dan isir fi fran kbar b’arja xotta (fann) b’konvezzjoni sfurzata. Għalhekk, il-karatteristiċi organolettiċi tal-mortadella huma dovuti għall-fatt li tissajjar bil-mod. It-tisjir jieħu ħafna sigħat, kemm minħabba d-daqs kbir tal-mortadella (sa 40 kg) kif ukoll minħabba t-tip ta’ trażmissjoni tas-sħana u t-temperatura baxxa”. Dan l-estratt ġej mill-ktieb Mortadella che passione ta’ C. Marconi u G. Roversi (CAIRO, Milan 2015), speċifikament it-taqsima dwar il-proċess tal-produzzjoni tal-IĠP “Mortadella Bologna” fil-Kapitolu 2 “Come si fa la mortadella IGP”, p. 68 et seq.

Il-“Mortadella Bologna” hija l-aktar prodott fil-budellat famuż fit-tradizzjoni gastronomika ta’ Bologna; tmur mill-inqas lura għas-seklu 16. L-evidenza ta’ dan il-prodott tista’ tinstab f’bosta testimonjanzi letterarji u storiċi ta’ eri diversi sa mir-Rinaxximent.

It-tradizzjoni lokali tal-mortadella ġiet ippreservata sa dawn l-aħħar żminijiet u nfirxet miż-żona tal-produzzjoni oriġinali għaż-żoni ġirien hekk kif il-kummerċ tal-prodotti tal-ikel infirex.

Minbarra x-xhieda storika msemmija hawn fuq, ma hemm l-ebda dubju li dan il-prodott huwa parti mill-wirt gastronomiku tradizzjonali tar-reġjun tal-Emilia-Romagna, u jidher b’mod wiesa’ fid-drawwiet lokali, li minn dak iż-żmien ’l hawn espandew għal żoni ġirien.

F’diversi oqsma, jintuża t-terminu “Bologna” waħdu b’mod komuni biex jirreferi għall-“Mortadella Bologna”.

Fl-aħħar nett, fiż-żona ġeografika ddefinita, il-produzzjoni tal-“Mortadella Bologna” hija mqassma b’mod ugwali bejn ir-reġjuni tal-Italja Ċentrali/tat-Tramuntana, l-Emilia-Romagna, u r-reġjuni tal-Italja ċentrali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/14


AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA

Indikazzjonijiet Ġeografiċi mir-Repubblika tal-Użbekistan biex ikunu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea

(2022/C 225/06)

Bħalissa għaddejjin in-negozjati għal Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Użbekistan li ser jinkludi l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel. F’dan il-kuntest, qed titqies il-protezzjoni fil-Komunità Ewropea, tal-ismijiet imniżżlin hawn taħt bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Il-Kummissjoni tistieden lil kull Stat Membru jew pajjiż terz, jew kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, li hi residenti jew stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, biex tressaq oppożizzjoni għal tali protezzjoni billi tibgħat dikjarazzjoni sostanzjata kif dovut.

Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni jenħtieġ li jintbagħtu f’dan l-indirizz elettroniku: AGRI-NEIGHBOURS@ec.europa.eu

Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni se jiġu eżaminati biss jekk jaslu fil-limitu taż-żmien stabbilit hawn fuq u jekk dawn juru li:

(a)

il-protezzjoni tal-isem propost toħloq kunflitt mal-isem ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ razza tal-bhejjem u b’hekk x’aktarx tkun tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott;

(b)

l-isem propost huwa kompletament jew parzjalment omonima ma’ dik ta’ isem li diġà huwa protett fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), jew ma’ waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi mill-pajjiżi mhux tal-UE skont il-ftehimiet bilaterali disponibbli pubblikament fl-indirizz li ġej:

https://www.tmdn.org/giview/

(c)

fid-dawl tar-reputazzjoni u tal-fama tat-trademark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, il-protezzjoni tal-isem propost x’aktarx li tkun tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott;

(d)

il-protezzjoni tal-isem tipperikola l-eżistenza ta’ isem kompletament jew parzjalment identiċi, l-eżistenza ta’ trademark jew l-eżistenza ta’ prodotti li jkunu ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż;

(e)

jew jekk l-opponenti jistgħu jingħataw dettalji li minnhom wieħed jista’ jikkonkludi li l-isem li għalih qed titqies il-protezzjoni huwa ġeneriku.

Il-kriterji msemmija hawn fuq għandhom ikunu evalwati b’rabta mat-territorju tal-Unjoni, li fil-każ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jirreferi biss għat-territorju jew għat-territorji fejn dawn id-drittijiet huma protetti. Il-protezzjoni ta’ dawn l-ismijiet fl-Unjoni Ewropea hija soġġetta għall-konklużjoni b’suċċess ta’ din il-proċedura, kif ukoll għall-att legali sussegwenti li jżid dawn l-ismijiet mal-Ftehim imsemmi hawn fuq.

Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi mir-Repubblika tal-Użbekistan li jridu jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

Isem

Deskrizzjoni qasira

“БОГИЗАГОН/BOG‘IZOG‘ON”/“БАГИЗАГАН /BAGIZAGAN”

Inbid


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Lista pprovduta mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Użbekistan