ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 67

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 65
8 ta' Frar 2022


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2021–2022
Dati tas-seduti: 7–10 ta’ Ġunju 2021
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

L-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021

2022/C 67/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2020 (2020/2223(INI))

2

2022/C 67/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni (2020/2040(INI))

16

2022/C 67/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (2020/2273(INI))

25

 

Il-Ħamis 10 ta’ Ġunju 2021

2022/C 67/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka (2021/2671(RSP))

56

2022/C 67/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2021/2692(RSP))

64

2022/C 67/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/621 tal-15 ta' April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 biex jikklassifika s-sustanza imidacloprid fir-rigward tal-limitu massimu ta' residwi tagħha f'oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali (2021/2705(RSP))

69

2022/C 67/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/745 tas-6 ta' Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi sulfat tal-aluminju u tal-ammonju, silikat tal-aluminju, beflubutamid, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, karbonat tal-kalċju, captan, diossidu tal-karbonju, cymoxanil, dimethomorph, ethephon, estratt mis-siġra tat-te, famossadon, residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam, aċidi grassi C7 sa C20, flumjossażin, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, gibberellic acid, gibberellins, heptamaloxyloglucan, proteini idrolizzati, sulfat tal-ħadid, metazachlor, metribuzin, milbemectin, ir-razza 251 tal-Paecilomyces lilacinus, fenmedifam, phosmet, pirimiphos-methyl, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, karbonat idroġenat tal-potassju, propamocarb, prothioconazole, ramel tal-kwarz, żejt tal-ħuta, repellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ, S-metolachlor, Feromoni tal-Lepidopteri ta' Katina Dritta, tebukonażol u urea (2021/2706(RSP))

75

2022/C 67/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali (2021/2568(RSP))

81

2022/C 67/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar il-kondizzjonalità (UE, Euratom) (2021/2711(RSP))

86

2022/C 67/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (2021/2738(RSP))

90

2022/C 67/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-ksur tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-użu tal-minorenni mill-awtoritajiet Marokkini fil-kriżi migratorja f'Ceuta (2021/2747(RSP))

99

2022/C 67/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b'mod partikolari l-arresti f'applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (2021/2748(RSP))

103

2022/C 67/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala organizzazzjonijiet mhux mixtieqa mir-Russja u d-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov (2021/2749(RSP))

107

2022/C 67/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba (2021/2745(RSP))

113

2022/C 67/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi (2021/2741(RSP))

118

2022/C 67/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2021/2712(RSP))

125

2022/C 67/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej End the cage age (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) (2021/2633(RSP))

131

2022/C 67/18

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar it-tħeġġiġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u l-karrieri fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) (2019/2164(INI))

137

2022/C 67/19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus (2021/2708(RSP))

148

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

L-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021

2022/C 67/20

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2021 lill-Kunsill dwar il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2020/2128(INI))

150


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta 8 ta’ Ġunju 2021

2022/C 67/21

P9_TA(2021)0263
Emendi konsegwenzjali tal-ETIAS: kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 u r-Regolament (UE) 2019/816 (COM(2019)0003 – C8-0025/2019 – 2019/0001A(COD))
P9_TC1-COD(2019)0001A
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

163

2022/C 67/22

P9_TA(2021)0264
Emendi konsegwenzjali tal-ETIAS: fruntieri u viżi ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn għall-finijiet tal-ETIAS u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1240, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2018/1861 (COM(2019)0004 – C8-0024/2019 – 2019/0002(COD))
P9_TC1-COD(2019)0002
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

164

2022/C 67/23

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss (COM(2021)0207 – C9-0156/2021 – 2021/0107(BUD))

165

2022/C 67/24

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport (COM(2021)0212 – C9-0159/2021 – 2021/0109(BUD))

169

2022/C 67/25

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM (COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))

173

2022/C 67/26

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair (COM(2021)0227 – C9-0162/2021 – 2021/0116(BUD))

177

2022/C 67/27

P9_TA(2021)0269
Emendi konsegwenzjali tal-ETIAS: ECRIS-TCN ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (COM(2019)0003 – C8-0025/2019 – 2019/0001B(COD))
P9_TC1-COD(2019)0001B
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-8 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi oħra ta' informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

182

2022/C 67/28

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2021 li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill C(2021)3114 – 2021/2680(DEA))

183

2022/C 67/29

Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta' kontroll doganali bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (07234/1/2021 – C9-0196/2021 – 2018/0258(COD))

185

2022/C 67/30

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (06980/2/2021 – C9-0195/2021 – 2018/0206(COD))

186

 

L-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021

2022/C 67/31

P9_TA(2021)0273
Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE – ċittadini tal-Unjoni ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar) (COM(2021)0130 – C9-0104/2021 – 2021/0068(COD))
P9_TC1-COD(2021)0068
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19

188

2022/C 67/32

P9_TA(2021)0274
Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE – ċittadini ta' pajjiżi terzi ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) (COM(2021)0140 – C9-0100/2021 – 2021/0071(COD))
P9_TC1-COD(2021)0071
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19

190

2022/C 67/33

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (06879/1/2021 – C9-0191/2021 – 2018/0243(COD))

192

 

Il-Ħamis 10 ta’ Ġunju 2021

2022/C 67/34

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2021/2053(INL) – 2019/0900(APP))

195

2022/C 67/35

P9_TA(2021)0281
Dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) 2016/1628) ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-medda tal-potenza bejn 56 kW u 130 kW, u aktar minn 300 kW biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (COM(2021)0254 – C9-0185/2021 – 2021/0129(COD))
P9_TC1-COD(2021)0129
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu għal ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-meded tal-potenza akbar minn jew ugwali għal 56 kW u inqas minn 130 kW, u akbar minn jew ugwali għal 300 kW, biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

203


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2021–2022

Dati tas-seduti: 7–10 ta’ Ġunju 2021

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

L-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/2


P9_TA(2021)0275

Politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2020 (2020/2223(INI))

(2022/C 67/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 101 sa 109 tiegħu,

wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2020 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2019 (COM(2020)0302) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2020, tal-4 ta' April 2020, tat-13 ta' Mejju 2020, u tat-2 ta' Lulju 2020 dwar Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, u l-emendi sussegwenti għalihom (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2020 dwar Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta' għajnuna mill-Istat fil-kuntest tas-sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra wara l-2021 (C(2020)6400),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tas-sussidji barranin (COM(2020)0253),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2020 biex jiġi approvat l-akkwist ta' Fitbit minn Google, soġġett għal kundizzjonijiet,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) intitolat “Il-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE u l-proċedimenti tal-antitrust tal-Kummissjoni: jeħtieġ li tiżdied is-sorveljanza tas-swieq” (3),

wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fis-16 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra t-tweġibiet orali u bil-miktub, mogħtija minn Margrethe Vestager, li dak iż-żmien kienet Kummissarju nnominat, waqt is-seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) tat-23 ta' Marzu 2020 dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tul il-kriżi tal-Coronavirus (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' April 2019 minn esperti ta' livell għoli tal-Kummissjoni bit-titolu “Competition policy for the digital era” (Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali) (5),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2019 dwar l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni lill-partijiet ikkonċernati tat-2 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam tal-kompetizzjoni, u dak tat-18 ta' Jannar 2021 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam u l-għajnuna mill-Istat,

wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru 2020 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ekonomiċi, Xjentifiċi u tal-Kwalità tal-Ħajja fil-Parlament Ewropew bit-titolu “L-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni u l-kompetittività matul il-pandemija tal-COVID-19: valutazzjoni bikrija”,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Sottokumitat Antitrust tal-Kumitat tal-Ġudikatura tal-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti tas-6 ta' Ottubru 2020 intitolat “Investigation of Competition in the Digital Marketplace: Majority Staff Report and Recommendations” (Investigazzjoni tal-Kompetizzjoni fis-Suq Diġitali: Rapport Maġġoritarju u Rakkomandazzjonijiet tal-Istaff) (6),

wara li kkunsidra d-dokument ta' riċerka tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u s-Swieq tar-Renju Unit tad-19 ta' Jannar 2021 bit-titolu “Algorithms: How they can reduce competition and harm consumers” (L-algoritmi: Kif jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi),

wara li kkunsidra l-mira tal-UE tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-2030, kif approvata mill-mexxejja tal-UE f'Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 intitolata “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 dwar Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM(2020)0098),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0168/2021),

A.

billi l-konsumaturi jibbenefikaw minn swieq kompetittivi, speċjalment meta dawn jirriżultaw fi prezzijiet ġusti u għażliet usa' ta' prodotti ta' kwalità; billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija mfassla biex iżżomm ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa, ġusta u effettiva li tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u li tippromwovi l-innovazzjoni, u b'hekk tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-SMEs u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE; billi dan l-objettiv fundamentali għadu rilevanti anki f'kundizzjonijiet ta' kriżi;

B.

billi l-Kummissjoni rreaġixxiet minnufih għat-tifqigħa tal-kriżi tal-COVID-19 billi adottat regoli tal-kompetizzjoni speċjali u temporanji biex tiġi rimedjata sitwazzjoni ta' taqlib serju fl-ekonomija Ewropea;

C.

billi l-miżuri eċċezzjonali u temporanji b'reazzjoni għall-pandemija m'għandhomx jiġu applikati fil-forma ta' mġiba antikompetittiva, u lanqas m'għandhom jiġu sfruttati minn kumpaniji li mhumiex finanzjarjament b'saħħithom biex jirċievu għajnuna addizzjonali mingħajr ma jkollhom il-pjanijiet ta' ristrutturar neċessarji u effettivi;

D.

billi l-għajnuna kollha mill-Istat għandha titfassal u tingħata b'mod ekonomikament, soċjalment u ambjentalment responsabbli; billi fuq żmien fit-tul, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tindirizza b'mod effiċjenti l-isfidi soċjali, diġitali u ambjentali, u għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-prijoritajiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

E.

billi r-rikonċiljazzjoni intelliġenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mal-politiki industrijali, diġitali, ambjentali, soċjali u ta' kummerċjali internazzjonali tagħha hija essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha, jissaħħu l-ktajjen tal-valur reżiljenti u tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, u b'hekk jingħata kontribut għal ambjent ta' kummerċ li jiffavorixxi lill-SMEs;

F.

billi l-kompetizzjoni inġusta bejn l-Istati Membri xxekkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern;

G.

billi l-Kummissjoni bħalissa qed twettaq rieżami ġenerali tal-effikaċja tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni, inklużi r-regolamenti dwar l-antitrust, għadd ta' regoli u gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, l-evalwazzjoni tar-regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet u r-rieżami tal-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq;

H.

billi l-bojkotts ekonomiċi kontra prodotti minn żoni ġeografiċi speċifiċi fl-UE jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli tal-kompetizzjoni u għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv;

I.

billi l-isfidi dejjem jiżdiedu ta' kompetizzjoni ma' ekonomija maġġuri u ferm issussidjata bħal dik taċ-Ċina jirrikjedu miżuri biex jissaħħu l-kumpaniji tal-UE meta ffaċċjati minn kompetituri mhux tal-UE;

J.

billi arkitettura ta' suq miftuħ fil-kummerċ u l-ikklirjar li tippermetti kompetizzjoni ġenwina fost l-infrastrutturi tas-suq hija kruċjali għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-swieq kapitali tal-UE, l-inċentivar ta' innovazzjonijiet immexxija mis-suq, u għaldaqstant il-ksib ta' eżiti aħjar għall-pensjonanti, in-negozji u l-investituri; billi l-ħtieġa għal struttura ta' suq miftuħ jeħtieġ li tkun ibbilanċjata kontra kunsiderazzjonijiet ta' stabbiltà finanzjarja;

K.

billi ħafna mill-gateways tal-konsumaturi għall-Internet huma ristretti għal għadd estremament żgħir ta' ekosistemi diġitali u pjattaformi kbar; billi l-pandemija tal-COVID-19 ħaffet il-pass tad-diġitalizzazzjoni, u ħolqot sfidi ġodda għall-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni, b'mod speċjali fil-qasam tar-regoli dwar l-antitrust, fejn sa llum, mhumiex permessi interventi ex ante;

L.

billi l-iskandli tad-data, l-investigazzjonijiet u l-evidenza wrew kif id-data personali qed tinġabar u tinħażen, ħafna drabi b'manjiera eċċessiva, kif ukoll tintuża u tinbiegħ lil partijiet terzi minn pjattaformi, u wrew kif l-atturi u l-pjattaformi tat-teknoloġija dominanti kienu qed jittraċċaw b'mod sistematiku lill-konsumaturi online;

M.

billi xi impriżi, li jibbenefikaw minn status doppju kemm bħala pjattaformi kif ukoll bħala fornituri, jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom biex jimponu termini u kundizzjonijiet inġusti fuq il-kompetituri;

N.

billi l-analisti jipprevedu (7) li Amazon, Facebook u Alphabet Inc. (Google) se jkollhom b'mod kollettiv sehem ta' 61 % tar-reklamar diġitali kollu fl-2021, li jirrappreżenta rduppjar tas-sehem tagħhom tas-suq mill-2015; billi Facebook u Alphabet Inc. (Google) jaqilgħu 98,53 % u 83,3 % tad-dħul rispettiv tagħhom mir-reklamar diġitali (8);

O.

billi l-multi maħruġa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ħafna drabi naqsu milli jkollhom effett ta' deterrent fuq il-kumpaniji tat-teknoloġija kbar peress li jitqiesu sempliċement bħala spejjeż biex isir in-negozju;

P.

billi l-għodod tal-antitrust għandhom ikunu adegwati biex jiffaċċjaw ir-realtajiet il-ġodda tas-swieq diġitali u tat-teknoloġija li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla;

Q.

billi jinħtieġu kundizzjonijiet ekwi bejn id-ditti tas-servizzi finanzjarji u d-ditti tat-teknoloġija biex tiġi żgurata kompetizzjoni fuq l-istess livell, filwaqt li jiġi segwit il-prinċipju ta' “l-istess riskju, l-istess attività, l-istess regolamentazzjoni”;

R.

billi l-algoritmi jistgħu jsaħħu ferm l-effiċjenza u jippermettu lid-ditti jipprovdu prodotti u servizzi aħjar lill-konsumaturi; billi, madankollu, użu ħażin intenzjonat jew mhux intenzjonat tal-algoritmi jista' jikkawża ħsara lill-kompetituri u lill-kompetizzjoni;

S.

billi r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat għandhom ikunu koerenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija diġitali tal-UE, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għalihom; billi l-każijiet ta' għajnuna mill-Istat tal-UE bilkemm jirreferu għal tali objettivi ġenerali tal-politika tal-UE;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni li għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha, tixpruna l-innovazzjoni u tagħti lill-konsumaturi aktar għażliet u għażliet ta' kwalità ogħla, hija kruċjali biex tiggarantixxi l-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

2.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-konċentrazzjoni tal-industrija fl-Ewropa; josserva f'dan ir-rigward li bejn l-2001 u l-2012 l-industrija medja f'10 ekonomiji Ewropej rat żieda ta' 2-3 %fis-sehem tal-bejgħ tal-akbar 10 % tal-kumpaniji; iwissi li din iż-żieda hija osservata kemm għas-servizzi tal-manifattura kif ukoll għal dawk mhux finanzjarji u li din mhijiex xprunata minn setturi diġitalment intensivi; jinnota li ż-żidiet fil-konċentrazzjonijiet tal-industrija twassal għal mark-ups pożittivi ogħla assoċjati ma' profitti ogħla a skapitu tal-konsumatur Ewropew;

3.

Jemmen li infurzar strett u imparzjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni indipendenti huwa kruċjali għall-kumpaniji Ewropej attivi fis-suq intern u fil-livell internazzjonali, speċjalment għall-SMEs, u jista' jagħti kontribut sinifikanti għall-prijoritajiet politiċi ewlenin bħal suq intern aktar profond u ġust, suq uniku diġitali konness, il-kompetittività globali tal-Unjoni, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali u l-kriżi klimatika, kif ukoll għall-valuri Ewropej rigward l-istandards ambjentali, l-affarijiet soċjali, il-politika dwar il-klima u l-protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza madankollu l-importanza ta' doża xierqa ta' flessibbiltà f'kundizzjonijiet ta' kriżi;

4.

Jilqa' l-konsultazzjoni dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala pass lejn koerenza politika akbar; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni komprensiv u li jħares 'il quddiem dwar kif għandhom jiġu riveduti r-regoli tal-kompetizzjoni u dawk dwar l-għajnuna mill-Istat;

5.

Iqis li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern u fis-swieq internazzjonali, li huwa kruċjali speċjalment għall-SMEs u għall-ħolqien ta' impjiegi diċenti u sostenibbli fl-UE u barra minnha, jiddependi wkoll fuq li jiġi miġġieled b'mod deċiżiv u effettiv id-dumping soċjali, ambjentali u fiskali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, iżżid l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi qafas legali għal strument obbligatorju ta' diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent;

6.

Jenfasizza li l-prattiki aggressivi tat-taxxa minn kumpaniji multinazzjonali, prattiki tat-taxxa ta' ħsara u benefiċċji fuq it-taxxa mmirati lejn il-kumpaniji kbar jistgħu joħonqu l-innovazzjoni u jipperikolaw il-kontestabbiltà tas-swieq, speċjalment għall-SMEs, li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea;

7.

Jissottolinja l-importanza tan-NEK fl-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi promossa kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq uniku permezz ta' infurzar imsaħħaħ u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

8.

Iħeġġeġ id-djalogi strutturati mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni u l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat kompetenti tal-Parlament; iqis ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni bħala eżerċizzju indispensabbli f'termini ta' skrutinju demokratiku; ifakkar li fi snin riċenti l-Parlament kien involut permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fit-tfassil tal-qafas għar-regoli dwar il-kompetizzjoni; jinsisti dwar is-setgħat ta' kodeċiżjoni tal-Parlament biex ifassal il-qafas għar-regoli tal-kompetizzjoni;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni tuża s-setgħat ta' promozzjoni tagħha biex tenfasizza r-riskji ta' miżuri ta' kontroll tal-prezzijiet implimentati mill-gvernijiet, inklużi dawk relatati mad-distorsjoni tas-sinjali ta' prezzijiet li jistgħu jinkoraġġixxu l-produzzjoni u jimminaw l-inċentivi għal parteċipanti ġodda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet;

10.

Jinnota bi tħassib li, abbażi ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni, xi Stati Membri ma implimentawx b'mod effettiv id-Direttiva dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (9), u dan kellu effett negattiv ħafna fuq il-konsumaturi u l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza l-klawżoli u l-prattiki inġusti mħaddma, b'mod speċjali mis-settur bankarju, fil-kuntratti mal-konsumatur u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u mgħaġġla ta' din id-direttiva bl-użu ta' kull mezz disponibbli;

11.

Jirrikonoxxi li r-riżorsi għad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (DĠ COMP) tal-Kummissjoni għandhom ikunu adegwati u jaqblu mal-ammont ta' xogħol u l-firxa ta' kompiti tiegħu; iqis il-ħtieġa li jiġi żgurat għarfien espert speċifiku dwar il-kwistjonijiet diġitali u l-prattiki tal-pjattaformi online b'ekonomisti komportamentali, speċjalisti tal-algoritmi, inġiniera u xjenzati tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi bejn il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust;

Ir-reazzjonijiet ta' politika għall-COVID-19

12.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat, stabbilit b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jappoġġjaw lil kumpaniji matul il-pandemija, u l-emendi biex dan jittawwal fiż-żmien u jitkabbar; jappoġġja ż-żamma ta' miżuri eċċezzjonali sakemm jibqa' ġġustifikat minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika, iżda jissottolinja li l-Qafas huwa strument temporanju; jisħaq li r-restawr ta' kompetizzjoni effettiva fuq terminu medju u twil huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-irkupru jkun rapidu u konsistenti; jenfasizza li l-miżuri ta' appoġġ għandhom isiru aktar immirati hekk kif l-irkupru javvanza; jinnota d-differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri rigward l-ispazju fiskali disponibbli tagħhom għall-għoti ta' għajnuna mill-Istat;

13.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta' kwistjonijiet tal-antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' urġenza li jirriżultaw mit-tifqigħa attwali tal-COVID-19; iqis li l-gwida u l-appoġġ dwar ir-regoli tal-antitrust jiffaċilitaw il-kooperazzjoni meħtieġa biex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19, u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi;

14.

Jinnota li l-Qafas Temporanju jinkludi ċerti kundizzjonijiet għal ċerti tipi ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat bħar-rikapitalizzazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward il-kundizzjonijiet bħal projbizzjoni fuq id-distribuzzjoni ta' dividendi, pagamenti ta' bonuses u xiri lura ta' ishma; jesprimi dispjaċir, madankollu, li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx imposti fuq miżuri ta' għajnuna mill-Istat oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni timponi tali kundizzjonijiet fuq il-miżuri kollha ta' għajnuna mill-Istat fil-Qafas Temporanju, inklużi, b'mod partikolari, il-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni, li għandhom jitqiesu biss bħala soluzzjoni tal-aħħar istanza mill-Istati Membri, minħabba l-impatt distorsiv kbir li jista' jkollhom fuq is-suq intern;

15.

Jappoġġja bil-qawwa miżuri effettivi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' vaċċini kontra l-COVID-19, speċjalment f'pajjiżi bi dħul baxx u medju, u għalhekk jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimbuttaw lill-pajjiżi mhux tal-UE biex ineħħu l-projbizzjonijiet eżistenti fuq l-esportazzjoni u biex iżidu d-donazzjoni tal-vaċċini, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw it-trasferiment tat-teknoloġija u l-liċenzjar volontarju għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex jittrattaw mard infettiv endemiku jew pandemiku fil-popolazzjoni dinjija;

16.

Jissottolinja li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni mmirati sabiex jeliminaw il-kundizzjonijiet li jwasslu għal monopolji u pożizzjonijiet dominanti u lejn il-limitazzjoni tal-finanzjament pubbliku lil kumpaniji li jistgħu jwasslu għal tali kundizzjonijiet ma jipprovdu l-ebda soluzzjoni għall-kwistjoni tal-iżvantaġġi sistemiċi u strutturali li taffettwa l-kompetittività tan-negozji bbażati u li joperaw f'territorji insulari u reġjuni ultraperiferiċi Ewropej;

17.

Jenfasizza l-importanza tal-koerenza politika u li kwalunkwe għajnuna mogħtija tingħata biss lil kumpaniji li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi finanzjarji diretti tal-pandemija; iħeġġeġ, barra minn hekk, li l-kumpaniji li jużaw rifuġji fiskali barra mill-UE għall-evitar tat-taxxa jiġu pprojbiti milli jaċċessaw l-għajnuna mill-Istat jew l-appoġġ finanzjarju jekk ma jimpenjawx ruħhom li jbiddlu l-imġiba tagħhom;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu pjan direzzjonali wara l-COVID-19 biex l-għajnuna mill-Istat tkun immirata aħjar biex tiġi promossa l-kompetittività u jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi; jissuġġerixxi li pjan direzzjonali bħal dan jista' jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati l-frammentazzjoni u d-distorsjonijiet tas-suq minħabba kundizzjonijiet mhux ekwi, analiżi tal-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq is-suq intern, u gwida ċara dwar kif l-aħjar jintużaw l-għodod tal-politika tal-kompetizzjoni biex jitrawwem l-irkupru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tintegra l-istrateġiji industrijali, diġitali u ekoloġiċi fl-iffissar tal-kundizzjonijiet futuri għall-għajnuna mill-Istat;

19.

Itenni l-prijorità li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u ir-regolamentazzjoni bankarja Ewropea jkunu strettament u imparzjalment infurzati, inkluż meta jiġu indirizzati kriżijiet bankarji fil-futur; jistieden lill-Kummissjoni teżamina malajr id-diskrepanzi bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-għajnuna għal-likwidazzjoni u r-reġim ta' riżoluzzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (10) (“id-Diretttiva BRR”), u tirrevedi l-Komunikazzjoni Bankarja tagħha tat-30 ta' Lulju 2013 (11) fil-kuntest tar-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż fid-dawl tal-każijiet riċenti, filwaqt li tqis il-ħtieġa li l-kontribwenti u dawk li jfaddlu jkunu protetti mill-piż tas-salvataġġ tal-banek;

20.

Jinnota li r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE u l-għajnuna mill-Istat m'għandhomx jitqiesu b'mod separat mill-politiki monetarji, kummerċjali u fiskali; jappella għal riflessjoni fir-rigward ta' distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mix-xiri tal-bonds korporattivi mill-Bank Ċentrali Ewropew; jenfasizza f'dan ir-rigward il-kunċett tas-selettività fl-għajnuna mill-Istat u l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li fih l-hekk imsejjaħ prinċipju ta' lealtà;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura u timmonitorja l-użu u d-distribuzzjoni xierqa tad-diversi miżuri ta' finanzjament tal-UE b'reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, inkluż permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Rkupru u Reżiljenza (NRRPs) tal-Istati Membri fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, ma għandhomx iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u għandhom jiġu applikati b'mod ugwali għall-kumpaniji kollha, b'mod partikolari f'setturi kritiċi bħat-telekomunikazzjoni, l-enerġija u t-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja kwalunkwe distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni bħal din; jisħaq li l-għajnuna mill-Istat m'għandhiex tingħata lil kumpaniji li kienu ineffiċjenti u li kienu strutturalment qed jagħmlu telf qabel il-kriżi tal-COVID-19, u lanqas m'għandha tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' strutturi monopolistiċi;

Id-dimensjoni globali

22.

Jenfasizza l-importanza ta' djalogu u kooperazzjoni dejjem aktar intensi u strutturati fuq livell globali rigward l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni, kif ukoll approċċ komuni lejn kompetizzjoni ġusta;

23.

Jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-Network Internazzjonali tal-Kompetizzjoni (ICN) u jħeġġeġ lill-Parlament jinvolvi ruħu aktar mill-qrib fl-attività tal-gruppi ta' ħidma u l-gruppi ta' esperti rilevanti tal-ICN u tal-OECD;

24.

Jappoġġja l-istrateġija tal-Kummissjoni biex telimina l-effetti negattivi kkawżati mill-applikazzjoni extraterritorjali illegali ta' sanzjonijiet unilaterali minn pajjiżi mhux tal-UE kontra operaturi tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2021 bit-titolu “Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza”(COM(2021)0032);

25.

Jisħaq li ftehimiet ta' kooperazzjoni ddedikati ma' pajjiżi mhux tal-UE fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni ssegwi aktar minn tali ftehimiet ta' kompetizzjoni ddedikati, sabiex ikun jista' jsir skambju ta' informazzjoni aktar effettiv bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE jeħtiġilha tiżgura kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità mas-sħab internazzjonali tagħha f'termini ta' għajnuna mill-Istat, akkwist pubbliku u politika ta' investiment; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kapitoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-rwol tal-intrapriżi statali li huma bbażati barra l-Unjoni u li jiġu appoġġjati u ssussidjati mill-gvernijiet rispettivi tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kompetizzjoni distorsiva ffinanzjata mill-istat minn impriżi barranin li jakkwistaw impriżi Ewropej, speċjalment dawk attivi f'setturi u teknoloġiji innovattivi jew strateġiċi, dawk li jikkonformaw mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u dawk imdgħajfa mill-pandemija tal-COVID-19;

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon bħala pass preliminari d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/452 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (12) kif ukoll il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' sussidji barranin; josserva l-pressjoni kontinwa ta' akkwiżizzjoni barranija fuq kumpaniji Ewropej u jwissi li hemm bżonn ta' azzjoni urġenti; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, il-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tindirizza l-effetti distorsivi tas-sussidji barranin fuq is-suq intern;

28.

Huwa tal-fehma li l-kumpaniji tal-UE għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq globali fuq l-istess livell; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tadatta l-politika tagħha dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat sabiex tippromwovi żvilupp industrijali serju; jenfasizza li politika industrijali intelliġenti tista' tgħin biex jiġu allokati mill-ġdid riżorsi lil ċerti setturi ewlenin mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b'hekk twitti t-triq għal ekonomija reżiljenti u sostenibbli fit-tul; huwa tal-fehma li l-Unjoni u l-Istati Membri jeħtieġ li jsaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki, l-investimenti u l-politika tal-kompetizzjoni mmirati tal-UE biex irawmu impjiegi u ktajjen tal-valur reżiljenti sabiex l-UE tikseb awtonomija f'ċerti industriji strateġiċi filwaqt li tippreserva ekonomija miftuħa;

29.

Jappella għal investiment qawwi fir-riċerka u l-iżvilupp mill-industrija Ewropea, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi ġewwa u barra l-UE, il-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża t-tranżizzjoni lejn modi ta' produzzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, u l-appoġġ għall-kompetittività tal-impriżi tal-UE fil-konfront ta' kompetituri mhux tal-UE li l-proċessi ta' produzzjoni tagħhom mhumiex soġġetti għall-istess kriterji bħal dawk determinati fil-livell tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tikkunsidra li żżid l-għajnuna għar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll għal teknoloġiji li jiġġeneraw esternalitajiet pożittivi għall-ambjent jew għas-sistema ġenerali tal-enerġija;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika dipendenzi strateġiċi, b'mod partikolari f'ekosistemi industrijali sensittivi, u tipproponi miżuri biex dawn jitnaqqsu, inkluż billi tiddiversifika l-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista, trawwem il-produzzjoni u l-investiment fl-Ewropa, u tiżgura kumulazzjoni strateġika ta' riservi; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEI) għall-investimenti f'teknoloġiji fixkiela; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-reviżjoni li jmiss tal-komunikazzjoni tal-IPCEI, tippromwovi aktar l-IPCEIs, tiċċara r-regoli tal-għażla għall-IPCEIs, tirrevedi u tissimplifika xi kriterji u rekwiżiti ta' implimentazzjoni, u tikkunsidra li tippermetti kofinanzjament aktar faċli mill-UE, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' sħab minn Stati Membri iżgħar u tiżgura li proġetti ta' riċerka industrijali iżgħar ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar faċilment mill-appoġġ;

31.

Jappoġġja l-inklużjoni fir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE ta' kontroll bir-reqqa tal-għajnuna mill-Istat fuq impriżi minn pajjiżi mhux tal-UE, filwaqt li jenfasizza li l-Unjoni għandha tibqa' miftuħa għal investimenti diretti barranin li jikkonformaw mal-qafas legali tagħha, jirrispettaw l-istandards soċjali u ambjentali Ewropej u ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni; itenni f'dan ir-rigward l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sakemm tiġi kkunsidrata l-proposta dwar il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, biex jadottaw strumenti ta' difiża kummerċjali msaħħa biex jiġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti u jipproteġu b'mod partikolari l-kompetittività tas-setturi industrijali; jenfasizza fl-istess waqt li d-deċiżjonijiet dwar il-politika tal-kompetizzjoni m'għandhomx jintużaw bħala miżura protezzjonista u jitlob f'dan ir-rigward analiżi tar-riperkussjonijiet tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetittività ta' pajjiżi bi dħul baxx u medju;

32.

Jinnota bi tħassib li, meta mqabbel ma' ftehimiet kummerċjali oħra, bħal dak mal-Iżvizzera, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit huwa aktar dgħajjef; jiddispjaċih li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ma jipprevedix kundizzjonijiet ekwi bis-sħiħ fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u l-kompetizzjoni; jitlob lill-UE u lir-Renju Unit isibu bażi komuni biex jikkooperaw b'mod kontinwu u jħabirku favur kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi;

Il-politika tal-kompetizzjoni fl-era diġitali

33.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza termini u prattiki inġusti ta' pjattaformi li jaġixxu bħala gwardjani, li taġixxi b'mod deċiżiv, u li telimina ostakli illeġittimi għall-kompetizzjoni online fis-suq uniku diġitali Ewropew; jesprimi dispjaċir għall-pass kajman tal-investigazzjonijiet tal-antitrust meta mqabbel ma' swieq diġitali li jinbidlu malajr; jissottolinja f'dan ir-rigward li 10 snin wara l-ftuħ ta' investigazzjoni dwar il-prattiki ta' preġudizzju fit-tiftix ta' Google, il-Kummissjoni għadha ma lestietx l-investigazzjoni tagħha; iqis li fl-ekonomija diġitali, il-konċentrazzjoni tad-data f'idejn għadd żgħir ta' kumpaniji twassal għal fallimenti tas-suq, estrazzjoni eċċessiva tar-redditu u mblukkar ta' parteċipanti ġodda;

34.

Iqis, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi li saru, li l-problemi marbuta mad-dominanza eċċessiva tas-suq tal-impriżi l-kbar tat-teknoloġija s'issa ma ġewx indirizzati biżżejjed u jeħtieġ li jiġu solvuti b'mod urġenti;

35.

Jirrikonoxxi l-isfidi li hemm ġejjin għat-tfassil tal-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar relatat, fost l-oħrajn, mal-effetti tan-network, il-konċentrazzjoni, l-aggregazzjoni u l-użu tad-data fi swieq bi prezz żero, l-algoritmi tal-ipprezzar, l-istrutturar tal-pjattaformi l-kbar u l-interventi tas-suq;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta u kunsiderazzjoni bir-reqqa għall-problemi tal-kompetizzjoni strutturali relatati mal-pożizzjonijiet ta' gwardjani tan-networks ta' pagamenti eżistenti, problemi li kibru biss matul il-pandemija tal-COVID-19;

37.

Jilqa' l-appell tal-Kummissjoni għad-deċiżjoni dwar Apple (13); huwa tal-opinjoni li l-każ ta' Apple juri għal darb'oħra l-ħtieġa ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sodi, filwaqt li jitqiesu r-reġimi favorevoli tat-taxxa;

38.

Jinnota li l-istrumenti tradizzjonali użati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni bħal investigazzjonijiet dwar l-abbuż possibbli ta' pożizzjoni tas-suq dominanti jieħdu żmien twil ħafna, u dan wera li huwa problema fis-swieq diġitali li jinbidlu malajr; jilqa' għalhekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta' għodod tal-kompetizzjoni ġodda li jistgħu jinħtieġu biex jiġu indirizzati l-problemi tal-kompetizzjoni strutturali fi swieq differenti li r-regoli attwali ma jistgħux jindirizzaw bl-aktar mod effettiv, u jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa lil dawn is-swieq sabiex tkun tista' tidentifika malajr u b'mod effiċjenti l-kwistjonijiet ewlenin u l-lakuni legali u tintervjeni dwarhom; jinnota li l-multi maħruġa mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ħafna drabi naqsu milli jkollhom effett ta' deterrent għal kumpaniji tat-teknoloġija kbar billi dawn jitqiesu sempliċement bħala spejjeż biex isir in-negozju;

39.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Swieq Diġitali li tipprojbixxi lill-pjattaformi milli jinvolvu ruħhom fi prattiki ta' negozju fejn jipprivileġġaw lilhom infushom (inklużi ggruppar obbligatorju/installazzjoni minn qabel), jew li joperaw f'linji ta' negozju li jiddependu mill-pjattaforma jew li jinteroperaw magħha, kif ukoll li jirrikjedu li l-pjattaformi jagħmlu s-servizzi tagħhom kompatibbli ma' networks kompetituri biex jippermettu l-interoperabbiltà, inkluż tas-servizzi ta' qofol, il-portabbiltà tad-data, u l-integrazzjoni ta' ħafna bejjiegħa; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-każijiet fejn kien evidenti li r-rimedji offruti kienu ineffettivi biex tiġi restawrata l-kompetizzjoni għas-suq tat-tqabbil tal-prezzijiet;

40.

Ifakkar li l-vantaġġi xprunati mid-data marbuta mal-kondiviżjoni tad-data u l-bejgħ tad-data, iżda anki s-servizzi stabbiliti bħala settings prestabbiliti, joħolqu r-riskju li jagħtu lil xi kumpaniji l-pożizzjoni ta' “gwardjan” fis-swieq diġitali u li dan jeħtieġ li jiġi indirizzat b'mod effettiv mill-Att dwar is-Swieq Diġitali; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċità li timponi fuq pjattaforma li taqdi rwol ta' gwardjan li tissostitwixxi ċerti settings prestabbiliti b'arkitettura ta' għażla tal-konsumatur effettiva u oġġettiva;

41.

Iqis li s-separazzjoni strutturali tal-monopolji tal-kumpaniji tat-Teknoloġija Kbira tista' tkun mixtieqa biex terġa' tinkiseb il-kompetizzjoni fis-swieq diġitali fid-dawl tal-limiti tal-multi u n-nuqqas ta' rimedji komportamentali tal-passat f'ċerti każijiet ta' antitrust; jisħaq li r-rimedji komportamentali mmirati u effettivi joffru soluzzjoni b'effiċjenza temporali; jissuġġerixxi l-implimentazzjoni ta' qafas ta' antitrust parteċipattiv sabiex jitrawwem djalogu kontinwu mal-impriżi kollha, jiżdiedu ċ-ċertezza tad-dritt, it-trasparenza u l-protezzjoni tal-konsumatur, u jiġu żgurati rimedji effettivi;

42.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri, b'mod partikolari fir-rigward tal-antitrust u fis-swieq diġitali li qed jikbru b'rata mgħaġġla; u jitlob kooperazzjoni f'dan ir-rigward anke mill-kumpaniji li qed jiġu investigati; jikkundanna l-prattiki minn ċerti kumpaniji li qed jiġu investigati li jtawlu b'mod artifiċjali l-investigazzjonijiet billi jitolbu b'mod sistematiku estensjonijiet tal-iskadenzi u billi jwieġbu għal talbiet għal informazzjoni biss b'dewmien sostanzjali jew billi jippreżentaw proposti ineffettivi għall-impenji li jieħdu;

43.

Jinnota, barra minn hekk, li filwaqt li huwa importanti li jiġu żgurati proċess ġust u d-dritt tad-difiża tal-impriżi li jkunu qed jiġu investigati, hemm il-ħtieġa li l-proċeduri amministrattivi jsiru aktar rapidi u aktar effiċjenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi studjata l-possibbiltà li jsir użu aktar sistematiku minn miżuri speċifiċi bħal miżuri interim, kif ukoll rimedji strutturali u komportamentali oħra, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet irriversibbli tal-kompetizzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, li fl-anness tad-Direttiva NEK+ (14), il-Kummissjoni identifikat il-“miżuri interim” bħala “għodda ewlenija għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix ippreġudikata filwaqt li tkun għaddejja investigazzjoni”; jiddispjaċih u jinsab imħasseb għall-fatt li l-miżuri interim intużaw darba biss f'20 sena; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Avviż dwar ir-Rimedji (15) billi tqis l-iżviluppi u l-evoluzzjoni tas-settur diġitali matul dawn l-aħħar snin:

44.

Jilqa' l-fatt li il-proposti tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali u għal Att dwar is-Swieq Diġitali jieħdu approċċ distintiv fir-rigward tas-servizzi diġitali kollha, is-servizzi diġitali kbar ħafna, u l-gwardjani; jinnota b'mod partikolari li l-għan tal-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali huwa li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern billi tiġi promossa kompetizzjoni effettiva, kundizzjonijiet ekwi fis-swieq diġitali u ambjent ta' pjattaforma online ekwu u kontestabbli; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' miżuri adegwati kontra l-intermedjarji tar-reklamar fl-abbozz tal-proposti; jinnota li l-ewwel azzjoni ta' infurzar fl-ambitu tar-regolament il-ġdid dwar Att dwar is-Swieq Diġitali se tkun possibbli biss fi żmien ħames snin; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni ssegwi l-infurzar tal-antitrust tagħha f'każijiet ġodda u pendenti li jinvolvu lil gwardjani fl-ambjent diġitali;

45.

Jenfasizza l-importanza ta' qafas ta' infurzar adegwat fl-Att dwar is-Swieq Diġitali futur; iqis li l-funzjoni superviżorja tal-Kummissjoni għandu jkollha riżorsi suffiċjenti u li l-proċess superviżorju għandu jippermetti l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ir-regolaturi settorjali nazzjonali, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur; jisħaq li t-tfassil tar-rimedji m'għandux jitħalla għall-apprezzament uniku tal-kumpanija akkużata iżda minflok għandu jkun soġġett għal mekkaniżmu ta' konformità strett;

46.

Iqis li l-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali hija għodda komplementari għar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha l-għan li tiżgura swieq online ekwi u kontestabbli; jisħaq li din m'għandhiex tipperikola l-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni diġà fis-seħħ, inklużi l-liġijiet nazzjonali eżistenti, u lanqas m'għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tagħmel użu sħiħ mill-għodod eżistenti tagħha fl-infurzar tal-kompetizzjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għal tħassib pendenti relatat mad-deċiżjoni Android (16) u l-kompetizzjoni insuffiċjenti fit-tiftix online;

47.

Jinnota li r-rimedji proposti minn Google ġew irrifjutati bħala insuffiċjenti mill-atturi tas-suq u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni tressaq akkużi ta' antitrust kontra Google għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti f'servizzi ta' tiftix speċjalizzati oħrajn, inkluż it-tiftix lokali;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni tagħha biex tiggarantixxi kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u tindirizza l-effetti ta' gwardjani potenzjali fir-rigward tal-aċċess għal teknoloġiji abilitanti ewlenin għall-intelliġenza artifiċjali u d-data;

49.

Iqis li l-Parlament għandu jkollu rwol attiv fid-dibattitu politiku dwar il-politika tal-kompetizzjoni, inkluż permezz tal-organizzazzjoni ta' smigħ pubbliku mas-CEOs ta' GAFA (Google, Amazon, Facebook, Apple) dwar l-istrateġiji korporattivi tagħhom fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-prattiki ta' tassazzjoni; jiddispjaċih li s-CEOs tal-erba' li huma ma laqgħux l-istedina għal tali seduta ta' smigħ; barra minn hekk jiddispjaċih li l-Parlament ma għandux mekkaniżmi xierqa fis-seħħ li jagħtu mandat legali għal tali preżenzi u jittama li dan ikun jista' jissolva f'qasir żmien;

50.

Jissottolinja l-importanza ta' reġistru tat-trasparenza biex jiġi żgurat skrutinju pubbliku tal-isforzi ta' lobbjar bil-għan li tiġi prevenuta distorsjoni tal-kompetizzjoni; jitlob reġistru tat-trasparenza tal-UE msaħħaħ b'informazzjoni relatata mal-finanzjament ta' kumpaniji jew assoċjazzjonijiet sabiex il-partijiet ikkonċernati ma jitħallewx jaġixxu f'isem kumpaniji oħra mingħajr ma jispeċifikaw li qed jagħmlu dan;

51.

Jisħaq fuq l-importanza li l-konsumaturi u l-utenti jiġu megħjuna jiksbu kontroll akbar fuq id-data u l-identità tagħhom stess u jieħdu responsabbiltà għalihom, u jappella għal livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali filwaqt li jiżdiedu l-livelli ta' trasparenza u ta' responsabbiltà tas-servizzi diġitali; ifakkar li l-konsumaturi m'għandhom l-ebda għażla oħra għajr li jagħtu l-kunsens tagħhom jekk ma jixtiqux jitilfu l-aċċess għal xi servizzi offruti mill-pjattaformi online; jitlob, f'dan ir-rigward, qafas obbligatorju ta' kondiviżjoni tad-data li jipprovdi lill-konsumaturi għodod biex jiksbu bi dritt is-sjieda u jimmaniġġjaw id-data tagħhom stess b'mod aktar sempliċi u aktar effettiv;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-regoli dwar il-fużjonijiet u l-akkwist f'dak li jirrigwarda l-valutazzjoni tad-data personali; jistieden lill-Kummissjoni tqis u tivvaluta bis-sħiħ l-assi ta' data personali bl-istess mod bħall-assi fiżiċi tradizzjonali l-oħra kollha meta tiddeċiedi dwar il-fużjonijiet u l-akkwisti diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu perspettiva usa' meta tevalwa l-fużjonijiet diġitali u tivvaluta wkoll l-impatt tal-konsolidazzjoni tad-data, inkluż tat-teknoloġija tar-reklamar fil-qalba tal-mudelli kummerċjali tal-kumpaniji tat-teknoloġija l-kbar;

53.

Jinnota li l-akkwist ta' entitajiet fil-mira b'riżorsi speċifiċi tad-data jista' jwassal għal konċentrazzjoni fil-kontroll fuq ir-riżorsi tad-data ta' valur u mhux replikabbli u jirriżulta f'aċċess għad-data aħjar għall-partijiet tal-fużjoni milli għall-kompetituri tagħhom; jisħaq li l-konsolidazzjoni tad-data permezz ta' fużjonijiet tista' ssaħħaħ pożizzjoni dominanti jew tippermetti lill-entità akkwirenti tisfrutta s-saħħa fis-suq tagħha, u xi kultant tqajjem tħassib dwar esklużjoni; jesprimi, għalhekk, dispjaċir għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-akkwiżizzjoni minn Google tal-kumpanija tal-apparat tal-fitness li jintlibes Fitbit; huwa inkwetat dwar l-ipproċessar futur tad-data personali mill-utenti ta' FitBit, inkluża data li tikkonċerna s-saħħa, li tista' tintuża għall-finijiet ta' reklamar diġitali; jistipula li d-data li tikkonċerna s-saħħa għandha titqies bħala kategorija speċjali ta' data personali, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (17) (GDPR); jinnota li r-rimedji proposti minn Google u approvati mill-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva f'oġġetti li jintlibsu u s-saħħa diġitali, li qed isiru dejjem aktar importanti f'ħajjiet il-konsumaturi;

54.

Jinnota li f'diversi swieq speċifiċi għal data finanzjarja, hemm bejjiegħa multipli u, għalkemm l-ebda minnhom m'għandu sehem mis-suq dominanti, il-kompetizzjoni għadha baxxa ħafna; jinnota wkoll li xi bejjiegħa tad-data tas-suq finanzjarju pożizzjonati bħala aggregaturi tad-data, jistgħu jaġixxu bħala gwardjani u bħala tali jikkontrollaw l-aċċess għad-data u jillimitaw l-użu għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta tali sitwazzjonijiet fejn kumpaniji jakkwistaw il-pożizzjoni ta' gwardjani jew oligopolji u tiżviluppa miżuri biex terġa' tiġi restawrata l-kompetizzjoni, filwaqt li tiġi appoġġjata t-trasparenza tal-prezzijiet u jiġu evitati prattiki kummerċjali inġusti u mhux raġonevoli;

55.

Jiddispjaċih u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-akkwist fl-2014 ta' WhatsApp minn Facebook; ifakkar li, matul il-proċess ta' valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni, Facebook gideb lill-Kummissjoni dwar il-kapaċità teknika tiegħu li juża d-data ta' WhatsApp għall-finijiet ta' reklamar diġitali; jistipula li fl-2016 Facebook beda juża metadata minn konverżazzjonijiet ta' WhatsApp għal finijiet ta' reklamar; ifakkar li l-Kummissjoni mmultat lil Facebook fl-2017 talli gideb matul il-proċess ta' valutazzjoni tiegħu; itenni li l-Artikolu 105 TFUE jobbliga lill-Kummissjoni tipproponi miżuri xierqa biex ittemm il-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri xierqa biex ittemm l-użu tad-data tal-utenti ta' WhatsApp għal finijiet ta' reklamar ta' Facebook;

56.

Jitlob tisħiħ tal-kapaċità ta' reżiljenza operattiva u tal-infrastruttura tal-Unjoni f'setturi diġitali kritiċi, inkluż billi titħeġġeġ kompetizzjoni ekwa u jiġu promossi prinċipji ta' liċenzjar tas-software ekwi fis-swieq tal-cloud Ewropej; iqis il-kompetizzjoni sostenibbli u l-evitar ta' strutturi monopolistiċi fis-swieq bħala vitali għat-tranżizzjoni diġitali, l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u tadatta l-metodoloġija użata għall-valutazzjoni ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti u tiżgura li l-kunċett ta' “faċilitajiet essenzjali” jibqa' adegwat għall-iskop tiegħu fl-era diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tqis li tikkomplementa l-kunċett ta' “dominanza” b'kunċetti bħal “dipendenza” u “saħħa fis-suq relattiva”;

58.

Jinnota li xi strutturi oligopolistiċi żviluppaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u wkoll li xi impriżi teknoloġiċi kbar saru atturi importanti fis-suq tas-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tinvestiga kif il-vantaġġi kompetittivi inerenti għal dawn l-operaturi jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq u jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni;

59.

Iqis li l-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, jeħtieġ li jkollhom l-għeruq tagħhom fil-qalba ta' politika tal-UE li tirnexxi u fit-tul dwar is-servizzi diġitali;

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat

60.

Jinnota li l-politika dwar l-għajnuna mill-Istat hija parti integrali mill-politika tal-kompetizzjoni u li l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-impriżi kollha li jkunu qed iwettqu attivitajiet fis-suq uniku;

61.

Itenni li s-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali għadhom essenzjali għas-sopravivenza ta' għadd ta' komunitajiet madwar l-Ewropa, speċjalment f'reġjuni iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni; jilqa' l-konsultazzjoni miftuħa tal-Kummissjoni rigward is-sussidji tal-gvern għal servizzi essenzjali; jilqa' l-Linji Gwida l-ġodda adottati riċentement dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat; ifakkar fil-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat immirata aħjar, speċjalment għat-twassil tas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu valutazzjoni territorjali tal-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-proċess ta' reviżjoni attwali rilevanti; jinnota li, f'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-analiżi tal-impatti fuq l-impriżi bbażati fil-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 174 u 349 TFUE;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis bir-reqqa s-setturi li huma l-bażi ta' ħafna industriji oħra, kif ukoll il-katina tal-valur soċjali u ekonomiku sostenibbli tal-Unjoni; itenni l-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji u prattiki ta' produzzjoni li jwasslu għal tnaqqis sinifikanti tal-impatti ambjentali;

64.

Jitlob l-allinjament tar-regoli kollha tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat ma' objettivi soċjetali fit-tul, b'mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-impenji klimatiċi tal-UE; jiddispjaċih li, filwaqt li d-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija għadha kompetenza nazzjonali, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jagħmlux l-għajnuna mill-Istat kundizzjonali għal tali objettivi;

65.

Jilqa' l-konsultazzjoni mnedija dwar kif il-politika tal-kompetizzjoni tista' tkun ta' appoġġ għall-Patt Ekoloġiku u tqis aħjar l-effiċjenzi ekoloġiċi u sostenibbli fl-indirizzar tal-għajnuna mill-Istat, il-kontroll tal-fużjonijiet u r-regoli dwar l-antitrust; jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tagħha tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija u dwar ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali, biex tistabbilixxi kundizzjonijiet u inċentivi konkreti biex jitkompla l-proċess ta' dekarbonizzazzjoni; jitlob, b'mod partikolari, gwida dwar ir-repowering, il-proġetti ibridi u l-ħżin tal-elettriku u dwar l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjoni tal-bini; itenni, barra minn hekk, li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tirrikjedi miżuri biex jiġi indirizzat it-tibdil strutturali, inkluża l-identifikazzjoni tar-reġjuni tal-faħam bħala żoni megħjuna skont l-Artikolu 107(3) TFUE;

66.

Jinnota bi tħassib li l-irkupru tal-għajnuna illegali mill-Istati għadu proċess twil u kumpless; jenfasizza, barra minn hekk, li t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-proċess ta' evalwazzjoni tal-każijiet ta' għajnuna mill-Istat għandhom jissaħħu, filwaqt li jitqies riskju mhux negliġibbli ta' interkonnettività bejn il-każijiet;

Kontroll ta' fużjonijiet, antitrust u kartelli

67.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti u tinforza strettament l-Artikolu 102 TFUE li jipprojbixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kif ukoll il-proċeduri ta' kontroll tal-fużjonijiet tagħha, minquxa fir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (18);

68.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid l-Avviż tagħha tal-1997 (19) dwar id-definizzjoni ta' suq rilevanti fl-infurzar tal-Kummissjoni rigward il-fużjonijiet u l-antitrust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fuq bażi ta' każ b'każ, tqis viżjoni aktar fit-tul li tinkludi d-dimensjoni globali u l-kompetizzjoni futura potenzjali fil-valutazzjonijiet kompetittivi tagħha; jenfasizza li fil-passat, id-definizzjoni tal-Kummissjoni ta' suq rilevanti setgħet kienet ristretta wisq biex tqis b'mod suffiċjenti l-kompetizzjoni dinamika fis-swieq globali; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar dinamiku, u tagħmel il-kriterji tal-innovazzjoni element ewlieni tal-analiżi tas-suq rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll Ewropew tal-fużjonijiet;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida dwar il-fużjonijiet biex tqis it-titjib fl-effiċjenza marbut mal-fużjonijiet, inkluża l-isfida tal-kompetittività industrijali tal-UE; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li l-Unità tal-Prijoritajiet u l-Koordinazzjoni Strateġika ta' DĠ COMP għandha l-kapaċità li tuża l-għarfien espert tad-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet ta' DĠ COMP; jemmen li l-għarfien espert tal-istrateġija industrijali u settorjali tal-Kummissjoni jista' jissaħħaħ b'appoġġ għat-timijiet tal-investigazzjoni ta' DĠ COMP sabiex jiġu identifikati l-fattibbiltà u l-konsegwenzi tar-rimedji fir-rigward tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni;

70.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Danni (20), ladarba tkun akkumulat esperjenza suffiċjenti mill-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda fl-Istat Membri kollha sabiex tivvaluta l-ħtieġa potenzjali li jsir xi tibdil favur infurzar aktar effettiv u armonizzat ta' azzjonijiet għad-danni fl-UE kollha;

71.

Jilqa' l-introduzzjoni tal-għodda “eLeniency” (strument ta' klemenza elettronika) mill-Kummissjoni; ifakkar li bl-iżvilupp rapidu tas-swieq diġitali, jinħolqu sfidi ġodda għall-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltajiet ta' intervent ex ante, b'mod speċjali fis-swieq diġitali, u li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tal-kompetizzjoni jingħataw il-mezzi neċessarji biex jiġbru d-data b'mod anonimu sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-fallimenti tas-suq fiż-żmien debitu;

72.

Jirrimarka li l-abbuż tas-saħħa fis-suq u l-imġiba inġusta relatata, bħad-degradazzjoni fil-kwalità jew il-prattiki ta' estorsjoni, jistgħu jseħħu anke meta l-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti bla ħlas; jisħaq li l-interessi tal-konsumaturi tal-UE jmorru lil hinn mill-prezzijiet baxxi u, f'konformità mal-prinċipji tat-TFUE, jinkludu wkoll il-kwalità, l-innovazzjoni, il-produttività, is-sostenibbiltà, il-protezzjoni ambjentali u l-proliferazzjoni ta' relazzjonijiet kummerċjali ġusti; iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tintegra aħjar il-valur tal-esternalitajiet u l-beni pubbliċi assoċjati ma' ċerti tipi ta' produzzjoni;

73.

Ifakkar li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Artikolu 101 TFUE tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet differenti tat-Tratatti; jinnota b'mod partikolari l-kawża Wouters (21) li fiha l-interess ġenerali kien predominanti u għalhekk il-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni tqiesu bħala ġustifikati; jistieden lill-Kummissjoni tifformula “teorija tal-preġudizzju”, li għandha tmur lil hinn mill-approċċi ċċentrati fuq il-prezzijiet u tqis kunsiderazzjonijiet usa', filwaqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità, li jfisser li l-limitazzjonijiet tal-kompetizzjoni ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ għall-interess ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, toħroġ gwida f'dan ir-rigward dwar l-interpretazzjoni ta' “impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva” skont ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet;

74.

Jaqbel mal-QEA li, b'mod ġenerali, il-Kummissjoni tagħmel użu tajjeb mis-setgħat ta' infurzar tagħha fil-proċeduri ta' kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust, għalkemm huwa meħtieġ titjib f'għadd ta' oqsma; jinnota b'mod partikolari li l-limiti ta' fatturat jistgħu ma jkunux xierqa biex jiġu identifikati l-każijiet kollha li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-limiti stabbiliti sabiex jiġu inklużi fatturi bħall-għadd ta' konsumaturi milquta u l-valur tat-tranżazzjonijiet relatati bħala parti mill-evalwazzjoni attwali tagħha tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tivvaluta wkoll livelli ogħla ta' konċentrazzjoni dovuti għal sjieda orizzontali minn kumpaniji kbar tal-ġestjoni tal-assi fl-evalwazzjoni attwali tagħha tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet u tqis li tipprovdi linji gwida dwar l-użu tal-Artikoli 101 u 102 TFUE f'dan ir-rigward;

75.

Jinnota li filwaqt li l-QEA tirrimarka ġustament li l-ammont ta' multi ma jagħtix lok biex jinsiltu konklużjonijiet dwar jekk humiex deterrenti effettivi, il-QEA tissottolinja wkoll li, fih innifsu, il-limitu massimu ta' multi possibbli jista' jillimita l-effett ta' deterrent f'“każijiet serji”; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li filwaqt li l-livell ta' multi imposti mill-Kummissjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja, kważi żewġ terzi tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-każijiet ta' kartell mill-2006 baqgħu taħt iż-0,99 % tal-fatturat annwali globali, għaldaqstant ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 10 % tal-fatturat annwali dinji ta' kumpanija (22); jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effett ta' deterrent tal-multi tagħha u tikkunsidra li timponi multi ta' massimu ta' 40 % tal-fatturat annwali dinji ta' kumpaniji f'każijiet ta' kartell serji;

76.

Ifakkar li l-kartelli jirrappreżentaw wieħed mill-aktar ksur serju tal-liġi tal-kompetizzjoni u li l-monopolji huma l-aktar forma ta' konċentrazzjoni tas-suq ta' tħassib; jisħaq fuq l-importanza li tiġi traċċata l-imġiba illegali tal-kartelli, peress li tali ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni jmur kontra l-interessi taċ-ċittadini tal-UE, u jwassal għal spejjeż ogħla b'mod sinifikanti għall-konsumaturi u riskju li jinħonqu l-innovazzjoni u l-kwalità;

77.

Jenfasizza li quddiem kriżi, xi ditti jista' jkollhom it-tentazzjoni li jorganizzaw mill-ġdid l-istruttura ta' industrija billi jidħlu fl-hekk imsejħa “kartelli ta' kriżi”, jiġifieri ftehimiet bejn il-maġġoranza tal-kompetituri jew il-kompetituri kollha biex jillimitaw l-output u/jew inaqqsu l-kapaċità sabiex iżidu l-profittabbiltà u jipprevjenu l-ħruġ mis-suq fi żminijiet ta' kriżi;

78.

Jissuġġerixxi li jiġu studjati l-prattiki ta' “akkwist predatorju” li jistgħu jipperikolaw l-innovazzjoni u l-prosperità tan-negozji l-ġodda u l-impriżi żgħar Ewropej; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkoraġġixxi użu akbar tal-“klawżola Netherlandiża” tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet u li tibda taċċetta riferimenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta' fużjonijiet li ta' min jiġu eżaminati mill-ġdid fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u toħroġ linji gwida dwar il-prattika ta' riferiment tagħha abbażi tal-Artikolu msemmi hawn fuq, b'mod parallel mal-obbligu ta' informazzjoni dwar il-konċentrazzjonijiet previst fl-Att dwar is-Swieq Diġitali;

Żviluppi settorjali

79.

Itenni li jinsab imħasseb ħafna dwar il-konċentrazzjoni estensiva tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari Ewropea għad-detriment tal-konsumaturi, il-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira, l-ambjent u l-bijodiversità; jenfasizza li s-setgħa eċċessiva tal-proċessur jew tax-xerrej downstream fil-katina tal-provvista twassal għal pressjoni 'l isfel insostenibbli fuq il-prezzijiet tal-azjendi agrikoli;

80.

Jilqa', f'dan ir-rigward, id-Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (23) bħala pass importanti fl-iżgurar tal-ġustizzja bejn l-operaturi, fil-ġlieda kontra l-istandards doppji fil-prattiki agroalimentari u fl-indirizzar tal-iżbilanċ tas-setgħa ta' negozjar; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress fit-traspożizzjoni tagħha u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

81.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli l-analiżi fil-fond tagħha tal-firxa u l-effett tal-alleanzi tax-xiri, u b'hekk tiddedika attenzjoni speċjali biex tiggarantixxi kompetizzjoni ekwa u trasparenza akbar fil-prattiki kummerċjali tal-ktajjen tal-hypermarkets u tas-supermarkets, b'mod partikolari meta tali prattiki jaffettwaw il-valur tad-ditta u l-għażla tal-prodott jew jillimitaw l-innovazzjoni jew il-komparabbiltà tal-prezzijiet, sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jirċievu prezzijiet u kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti tagħhom; jiddispjaċih għall-fatt li l-bejgħ b'telf mhuwiex ipprojbit fil-livell tal-UE;

82.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont dejjem akbar ta' protesti tal-bdiewa u jinnota li l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fuq is-settur agroalimentari tal-UE hu waħda mill-preokkupazzjonijiet ta' min jipparteċipa fihom; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil kwalunkwe prattika antikompetittiva minn pajjiżi mhux tal-UE li taf tippenalizza lill-bdiewa u s-settur agrikolu tal-UE, minħabba d-differenzi fl-istandards soċjali, tas-saħħa, tax-xogħol, ambjentali u tal-benessri tal-annimali barra mill-UE; jitlob l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' reċiproċità u l-konformità għall-prodotti agrikoli fin-negozjati kummerċjali attwali u futuri;

83.

Jinnota li t-tassazzjoni hija b'mod predominanti kompetenza nazzjonali, li tiddependi mill-fehmiet politiċi u l-azzjonijiet tal-gvernijiet u l-parlamenti, u hija bbażata fuq politiki fiskali u aspirazzjonijiet politiċi fir-rigward tal-finanzi pubbliċi; jilqa' l-viġilanza tal-Kummissjoni fl-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni; itenni li l-għajnuna fiskali selettiva mill-Istat tista' toħloq kundizzjonijiet mhux ekwi fis-suq intern u li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa ma jagħmilx ħsara biss lill-kompetizzjoni ekwa iżda jdgħajjef ukoll il-funzjonament xieraq tas-sistemi soċjali b'mod ġenerali; jenfasizza l-importanza tar-riforma tas-sistema ta' tassazzjoni attwali sabiex jiġi żgurat li t-taxxi jitħallsu fejn jinħoloq il-valur; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina mill-ġdid il-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat bil-għan li tivvaluta liema miżuri ta' għajnuna fiskali mill-Istat ifixklu l-kompetizzjoni;

84.

Jinnota bi tħassib il-frammentazzjoni u d-diverġenza fit-telekomunikazzjonijiet u l-konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja kemm fost l-Istati Membri kif ukoll bejn iż-żoni rurali u urbani madwar l-Ewropa kollha; ifakkar li hemm bżonn ta' kompetizzjoni b'saħħitha sabiex jingħalaq id-distakk;

85.

Jenfasizza l-mument kritiku għall-industrija tal-ospitalità tal-Unjoni li, minn perspettiva ekonomika u finanzjarja, kienet l-aktar milquta matul il-kriżi attwali; jilqa' l-għajnuna mill-Istat diretta lejn is-settur f'dan il-kuntest;

86.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur (24), tiżgura protezzjoni xierqa tal-konsumatur fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur, inkluż billi tippromwovi kundizzjonijiet effettivi ta' kompetizzjoni bejn l-operaturi, kif ukoll faċilità ta' aċċess; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu aħjar l-offerti permezz ta' żieda fit-trasparenza, inkluż billi ssir distinzjoni bejn l-ispejjeż diretti relatati mal-ħlas lura tal-kreditu u l-ispejjeż indiretti bħal tariffi għal servizzi u taxxi ta' partijiet terzi, li mhumiex rimborżabbli;

87.

Jinsab imħasseb dwar ix-xiri minn kumpanija taż-żejt mmexxija mill-Istat ta' grupp tal-istampa ewlieni, li huwa sid ta' 20 gazzetta reġjonali ewlenija, 120 rivista ta' kull ġimgħa u 500 portal online (25) fl-Istat Membru kkonċernat; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-media fl-Ewropa, b'mod partikolari fil-kuntest tal-korporazzjonijiet multinazzjonali li jixtru fornituri tal-media Ewropej;

o

o o

88.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u, fejn applikabbli, reġjonali tal-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0158.

(2)  https://ec.europa.eu/competition/state_aid/what_is_new/TF_consolidated_version_amended_3_april_8_may_29_june_and_13_oct_2020_mt.pdf

(3)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_24/SR_Competition_policy_MT.pdf

(4)  https://ec.europa.eu/competition/ecn/202003_joint-statement_ecn_corona-crisis.pdf

(5)  https://ec.europa.eu/competition/publications/reports/kd0419345enn.pdfl

(6)  https://int.nyt.com/data/documenttools/house-antitrust-report-on-big-tech/b2ec22cf340e1af1/full.pdf

(7)  GroupMWorldwide, Inc., This Year Next Year: The End-Of-Year Forecasts December 2020 https://www.groupm.com/this-year-next-year-global-end-of-year-forecast-2020/

(8)  “Statista dossier on Google, Amazon, Facebook, Apple, and Microsoft (GAFAM)”, Statista (2020), https://www.statista.com/study/47704/google-apple-facebook-amazon-microsoft-gafam/

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(10)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(11)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(13)  Is-sentenza tal-15 ta' Lulju 2020, l-Irlanda u Oħrajn v. il-Kummissjoni, T-778/16 P u T-892/16, EU:T:2013:338.

(14)  Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3).

(15)  Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU C 267, 22.10.2008, p. 1).

(16)  Sentenza tat-23 ta' Settembru 2019, Google v. Il-Kummissjoni, T-604/18, EU:T:2019:743.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(19)  ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.

(20)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).

(21)  Sentenza tad-19 ta' Frar 2002, J. C. J. Wouters, J. W. Savelbergh u Price Waterhouse Belastingadviseurs BV v. Algemene Raad van de Nederlandse Orde van Advocaten, C-309/99, EU:C:2002:98.

(22)  https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR20_24/SR_Competition_policy_MT.pdf

(23)  Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59).

(24)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(25)  https://www.dw.com/en/poland-state-run-oil-company-buys-leading-media-group/a-55859592


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/16


P9_TA(2021)0276

Id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni (2020/2040(INI))

(2022/C 67/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 6 u 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3 u 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 (1),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u, b'mod partikolari, l-Għan 5, li huwa intiż li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa sal-2030 (2),

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fil-Ħajja Lokali (3),

wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE mill-1975 'il quddiem dwar diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (id-Direttiva 79/7/KEE (4), id-Direttiva 86/613/KEE (5), id-Direttiva 92/85/KEE (6), id-Direttiva 2004/113/KE (7), id-Direttiva 2006/54/KE (8), id-Direttiva 2010/18/UE (9) u d-Direttiva 2010/41/UE (10)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (15),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Gender in regional cohesion policy” (Il-ġeneru fil-politika ta' koeżjoni reġjonali) mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), ippubblikat fil-25 ta' Jannar 2017 (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka dwar is-saħħa mentali u dik klinika (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015 (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi (25),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Gender budgeting – Mainstreaming gender into the EU budget and macroeconomic policy framework” (Ibbaġitjar skont il-ġeneru – L-integrazzjoni tal-ġeneru fil-baġit u l-qafas ta' politika makroekonomika tal-UE) mill-EIGE, ippubblikat fl-10 ta' April 2019 (26),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel tad-19 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “The future of gender equality strategy after 2019: the battles that we win never stay won” (Il-futur tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri wara l-2019: Il-battalji li nirbħu qatt ma jibqgħu mirbuħa) (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (29),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2019 bit-titolu “2019 Report on equality between women and men in the EU” (Rapport tal-2019 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-UE) (SWD(2019)0101) (30),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (31),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar “Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem” (32),

wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “The Missing Entrepreneurs 2019: Policies for Inclusive Entrepreneurship” (L-Intraprendituri Nieqsa tal-2019: Politiki għal Intraprenditorija Inklużiva), ippubblikat mill-OECD fl-10 ta' Diċembru 2019 (33),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI (34),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Gender Dimension of the EU Cohesion Policy” (Id-Dimensjoni tal-Ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fid-19 ta' Frar 2019 (35),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri (36),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (37),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra l-iskeda informattiva tal-Komunikazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Coronavirus Pandemic – Impact on Gender Equality” (Il-Pandemija tal-Coronavirus – L-Impatt fuq l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri) (38),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta' Mejju 2020 bit-titolu “National minorities and COVID-19: inequality deepened, vulnerability exacerbated” (Il-minoranzi nazzjonali u l-COVID-19: l-inugwaljanza kompliet tikber, il-vulnerabilità kompliet tiggrava),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Diskussjoni 129 tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Gender Smart Financing Investing In & With Women: Opportunities for Europe” (Finanzjament Intelliġenti tal-Ġeneru – Ninvestu fin-Nisa u man-Nisa: Opportunitajiet għall-Ewropa) (39),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” (COM(2020)0565),

wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2020 mill-EIGE, ippubblikat fis-16 ta' Ottubru 2020 (40),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0154/2021),

A.

billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur ewlieni tal-UE, li hu minqux fit-Trattati u fil-Karta; billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha għaldaqstant tiġi implimentata u integrata bħala prinċipju orizzontali fl-attivitajiet, il-miżuri, l-azzjonijiet u l-programmi kollha tal-UE u fil-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE u fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-Politika ta' Koeżjoni; billi huma meħtieġa sforzi akbar biex jiġu indirizzati d-diversi forom ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza li n-nisa jiffaċċjaw; billi l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (41) għall-2014-2020 jistabbilixxi li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri jridu jitqiesu u jiġu promossi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-programmi, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni; billi n-nisa u l-irġiel li huma fuq quddiem nett tal-ġlieda għall-ugwaljanza wrew impenn, kuraġġ u tmexxija fil-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs madwar id-dinja, speċjalment fejn jippersistu tali inugwaljanzi, fejn in-nisa jiġu ppersegwitati u d-drittijiet tagħhom jinkisru sempliċement minħabba li huma nisa; billi bħala ċittadini Ewropej, għandna nkunu kburin li ksibna d-drittijiet u l-obbligi, il-libertajiet u l-opportunitajiet għall-irġiel u n-nisa, u billi llum in-nisa jmexxu wħud mill-aktar istituzzjonijiet importanti u għandhom xi wħud mill-aktar karigi politiċi prominenti fl-Ewropa; billi dawn l-eżempji pożittivi jgħinu biex jibdew jiġu indirizzati l-istereotipi eżistenti u biex jiġu promossi mudelli eżemplari;

B.

billi l-politika ta' koeżjoni tindirizza d-disparitajiet bejn id-diversi reġjuni u r-ritard tar-reġjuni li huma l-inqas favoriti bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha b'mod ġenerali bil-ħsieb li tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li minnha tifforma parti essenzjali l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-politika ta' koeżjoni wriet ir-rilevanza tagħha billi kisbet progress sinifikanti lejn l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini u l-bilanċ territorjali;

C.

billi l-politika ta' koeżjoni hija għodda importanti mhux biss sabiex tiġi appoġġjata b'mod attiv u effettiv il-kisba tal-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni ekonomika u soċjali, iżda wkoll biex jitnaqqsu d-disparitajiet li jaffettwaw lill-gruppi li għadhom qed ibatu minħabba d-diskriminazzjoni, inkluża dik marbuta mal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija objettiv orizzontali għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni kollha; billi l-Fondi Strutturali huma riżorsa importanti ħafna biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jagħmlu progress fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

D.

billi l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-reġjuni jew il-ġenerazzjonijiet, fost ħwejjeġ oħra, hija kruċjali biex jitnaqqsu d-disparitajiet lokali u reġjonali, u dawk ekonomiċi u soċjali, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kompetittività fit-tul u l-iżvilupp ġust, inklużiv u sostenibbli tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tar-reġjuni tagħha; billi sar progress f'dawn l-aħħar deċennji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE tjiebet orizzontalment f'ħafna dimensjonijiet; billi s-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indikaturi disponibbli għadhom juru segmentazzjoni vertikali u orizzontali fis-suq tax-xogħol, u fl-isfera soċjoekonomika u f'dik politika; billi t-Trattat ta' Ruma diġà inkluda l-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ugwali, u billi l-politika ta' koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jirfdu l-iżvilupp ekonomiku u dak soċjali, li huma ta' benefiċċju wkoll f'dawk li huma t-tnaqqis ulterjuri ta' din id-differenza u l-inklużjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi skont l-EIGE, il-promozzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkollha impatt soċjali u ekonomiku qawwi u pożittiv, inklużi żieda fil-PDG per capita tal-UE, miljuni ta' impjiegi addizzjonali u żieda fil-PDG tal-Istati Membri;

E.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħalissa qed tivvaluta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit Ewropew; billi dan ir-rapport tal-awditjar, li għandu jiġi ppubblikat fl-ewwel kwart tal-2021, se jagħti għarfien utli dwar kif għandha tiġi implimentata d-dimensjoni tal-ġeneru fl-azzjonijiet tal-politika ta' koeżjoni fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027;

F.

billi, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-elementi kritiċi ewlenin biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-politika ta' koeżjoni kienu, fost ħwejjeg oħra, id-diskrepanza bejn id-dikjarazzjonijiet formali fil-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali (li jiddikjaraw il-promozzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u dak tan-nondiskriminazzjoni) u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, kif ukoll l-impenn politiku kemmxejn dgħajjef f'dan il-qasam; billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali jiddikjaraw li josservaw u jippromwovu l-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u dak tan-nondiskriminazzjoni; billi għad hemm bżonn li jsiru sforzi akbar fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika ta' koeżjoni, speċjalment fl-iżvilupp ta' programmi u proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula; billi, matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru ġew indirizzati l-aktar permezz tal-Programmi Operazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE); billi, matul l-istess perjodu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ikkontribwixxa għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod limitat ħafna;

G.

billi data diżaggregata skont il-ġeneru bbażata fuq sorsi affidabbli u vverifikati u fuq indikaturi rilevanti għall-ġeneru hija essenzjali sabiex setturi jew reġjuni partikolari jkunu jistgħu jużaw b'mod effettiv l-appoġġ tal-UE, abbażi tar-realtà lokali tal-inugwaljanzi, sabiex jittejjeb il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jiġi vvalutat l-eżitu tal-azzjonijiet diretti u indiretti tal-politika ta' koeżjoni mmirati lejn il-promozzjoni tal-identifikazzjoni ta' inugwaljanzi jew inġustizzji possibbli li fuqhom trid tittieħed azzjoni u lejn l-iżvilupp ta' politiki effettivi biex jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet ugwali fost iċ-ċittadini;

H.

billi l-koerenza politika fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija nieqsa, u billi għad m'hemmx sistema unifikata li tiffaċilita fehim u implimentazzjoni identiċi tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-UE;

I.

billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija fuq l-ekonomija, l-impjiegi u s-soċjetà għadhom mhux magħrufa; billi studji preliminari jissuġġerixxu li l-pandemija tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi li diġà jeżistu bejn l-irġiel u n-nisa, speċjalment f'dawk li huma żieda fix-xogħol ta' kura mhux imħallas u l-iżbilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll il-vjolenza domestika, u għandha impatt sproporzjonat fuq il-bniet u n-nisa, speċjalment dawk minn gruppi emarġinati; billi dan huwa wkoll minħabba li n-nisa spiss jiffurmaw il-maġġoranza fis-setturi esposti għall-pandemija, bħall-edukazzjoni u s-saħħa; billi l-politika ta' koeżjoni, u b'mod aktar speċifiku, l-FSE Plus li jmiss, għandhom iqisuh dan;

J.

billi l-Fond ta' Rkupru tal-UE jappoġġja setturi li ġew affettwati serjament mill-kriżi; billi l-impatt fuq is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi għalhekk se jkollu effetti fit-tul fuq l-edukazzjoni, l-impjegabbiltà u l-futur taċ-ċittadini kollha, u r-reazzjoni rapida tal-istituzzjonijiet Ewropej u r-rieda tagħhom li jappoġġjaw is-soċjetà Ewropea għandhom jiġu mfaħħra; billi l-prijoritajiet ġenerali tal-Fond ta' Rkupru tal-UE jiffokaw fuq setturi b'sehem għoli ta' impjieg tal-irġiel u għalhekk jistgħu potenzjalment jirriskjaw li jżidu l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjiegi;

K.

billi n-nisa u l-irġiel m'għandhomx l-istess riżorsi, ħtiġijiet u preferenzi; billi ħafna politiki spiss iqisu prinċipalment il-perspettiva tal-irġiel; billi n-nisa u l-irġiel għalhekk jesperjenzaw is-servizzi u l-infrastrutturi b'mod differenti u l-prijoritajiet tagħhom spiss ma jkunux l-istess f'dawk li huma servizzi bażiċi;

L.

billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju huma s-sinsla tal-ekonomiji reġjonali; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza, tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tar-reklutaġġ inklużiv u tal-paga ugwali se tippermetti l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

M.

billi ħafna investimenti jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti, u dan joħloq il-ħtieġa li tiġi applikata lill-investimenti perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;

Ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-benefiċċju tat-tkabbir soċjoekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli

1.

Jisħaq fuq l-importanza tal-politika ta' koeżjoni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-persuni u bejn ir-reġjuni, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, inklużi l-prijoritajiet tas-saħħa tagħha relatati mal-ġeneru bħas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; ifakkar li l-għanijiet ta' politika kollha jeħtieġu riżorsi biżżejjed u sostenibbli ddedikati għall-implimentazzjoni tagħhom; jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-miżuri ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri meta jkunu qed jiżviluppaw u japprovaw il-programmi;

2.

Jemmen bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha prinċipalment indirizzata b'mod ġenerali u għadha limitata għall-oqsma tal-politika tal-FSE, kif ukoll fil-fażi ta' analiżi tal-kuntest u programmazzjoni, filwaqt li hemm il-ħtieġa ta' aktar attenzjoni fil-fażijiet ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni fuq bażi regolari; ifakkar li huwa meħtieġ li kull fażi ta' programmazzjoni tidentifika l-oqsma ta' prijorità li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-iżvilupp sostenibbli;

3.

Jemmen bis-sħiħ li r-regoli tal-UE għandhom jinkitbu b'mod ċar u espliċitu li jiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jissottolinja li n-nuqqas ta' riżorsi xierqa huwa kawża ewlenija ta' diskriminazzjoni;

4.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' impenn politiku qawwi biex tiġi difiża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-liġi għall-popolazzjoni kollha kemm hi u għal tkabbir ekonomiku u żvilupp territorjali ġusti, inklużivi u sostenibbli; jirrimarka li sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, huwa essenzjali li jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jnaqqas il-pressjoni minn fuq in-nisa matul il-liv relatat mal-familja; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' strateġija aktar b'saħħitha għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-UE bħala mod kif tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

5.

Jisħaq fuq l-importanza ta' qafas ta' governanza kkoordinat dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, linji gwida nazzjonali u appoġġ tekniku għall-monitoraġġ tal-impatt fuq il-ġeneri, disponibbli fil-lingwi uffiċjali tal-UE, kif ukoll skrutinju aktar b'saħħtu fil-livell tal-UE wara l-adozzjoni ta' programmi; jitlob, bl-istess mod, li l-konnessjoni mal-pjanijiet nazzjonali li jirriżultaw mill-pjan ta' rkupru titqies għall-iżvilupp tal-objettivi ta' żvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn il-programmi;

6.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'objettivi u miri ċari fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali u fuq il-ħtieġa ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel għat-tkabbir soċjoekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali;

7.

Iqis li huwa meħtieġ li tingħata spinta lill-ħiliet u li jkomplu jiġu żviluppati aktar it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Maniġerjali u s-sħab ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-dimensjoni tal-ġeneru tal-Fondi Strutturali, kif ukoll li tiġi ssodisfata l-ħtieġa ta' strateġiji ta' monitoraġġ ikkoordinati, sistemi unifikati ta' metodoloġija u evalwazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni u d-diżaggregazzjoni tad-data utli immirata lejn l-identifikazzjoni ta' inugwaljanzi possibbli bejn iċ-ċittadini; jisħaq fuq l-importanza li jiġu evalwati r-riżultati tat-taħriġ biex tiġi vvalutata l-effettività tiegħu fit-titjib tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

8.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sħubija fil-programmazzjoni nazzjonali fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, mas-sħab soċjali u ekonomiċi, mas-soċjetà ċivili u mal-akkademja fil-qafas tal-prinċipju tas-sħubija b'mod trasversali u meta jkunu qed jabbozzaw il-ftehim ta' sħubija sabiex iqisu l-isfidi relatati mal-politiki tal-ugwaljanza effettivi fil-livell lokali u f'dak reġjonali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu kampanji biex jippromwovu politiki tal-ugwaljanza, b'mod partikolari fl-oqsma tar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, l-eliminazzjoni tal-istereotipi tal-ġeneri fl-għażliet ta' karriera u fit-titjib tal-indipendenza ekonomika tan-nisa;

9.

Iqis li l-partijiet ikkonċernati tal-programm u l-kumitati ta' monitoraġġ għandhom ikunu armati b'indikaturi aktar ċari tal-effiċjenza u l-effettività tal-programmi f'dik li hi l-implimentazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri fi proġetti konkreti, speċjalment fl-interventi tal-FEŻR; iqis li l-linji gwida, il-programmi ta' taħriġ u l-eżempji konkreti ta' prattika tajba biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni għadhom limitati fl-għadd tagħhom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-potenzjal tal-FEŻR/Fond ta' Koeżjoni li jeliminaw id-diskrepanza li n-nisa għadhom qed jiffaċċjaw, b'referenza partikolari għall-intraprenditorija femminili u s-settur diġitali, peress li n-nisa jirrappreżentaw biss 34,4 % ta' dawk li jaħdmu għal rashom u 30 % tal-intraprendituri li qed jibdew negozju fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati fil-boroż u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet), peress li hija għodda importanti ħafna biex jinkiseb bilanċ akbar bejn il-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-ogħla livell; jitlob li parti mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni jiġu ddedikati biex jappoġġjaw in-nisa fil-faqar, in-nisa f'riskju ta' faqar, l-ommijiet waħedhom, in-nisa b'diżabilità u n-nisa li huma vittmi tal-vjolenza; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom jimplimentaw tali programmi;

10.

Jisħaq li l-programmi kollha implimentati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, kif ukoll opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inkluż permezz ta' azzjoni pożittiva fejn hu meħtieġ u applikabbli, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jissottolinja li l-azzjonijiet immirati lejn l-eliminazzjoni tad-disparità bejn il-ġeneri fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni wkoll għandhom jadottaw approċċ intersezzjonali; huwa tal-fehma li l-kompożizzjoni ta' gruppi esperti fil-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' politika għandha tkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom isegwu l-prinċipji tal-istat tad-dritt, inkluż il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' programmi jew reġjuni, segwiti minn monitoraġġ, investigazzjoni u azzjonijiet xierqa f'każijiet ta' ksur ta' dawn il-prinċipji, filwaqt li dejjem jiżguraw il-protezzjoni tal-benefiċjarji finali; jemmen li l-benefiċjarji tal-politika ta' koeżjoni ma għandhom jadottaw l-ebda politika diskriminatorja, b'mod partikolari kontra dawk il-gruppi li għadhom ibatu minħabba d-diskriminazzjoni, bħall-komunità LGBTI; iħeġġeġ li jiġu rrifjutati applikazzjonijiet minn benefiċjarji potenzjali, inkluż mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, li adottaw politiki diskriminatorji kontra membri tal-komunità LGBTI bħad-dikjarazzjoni ta' żoni “ħielsa mil-LGBTI”;

12.

Jindika l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn il-fond ta' koeżjoni u l-fond għall-irkupru u programmi eżistenti oħra, bħal programmi li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, inkluż, fost l-oħrajn, billi jiġġieldu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u l-impjieg prekarju, jinvestu fil-faċilitajiet ta' kura, jiġġieldu u jipprevjenu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiżguraw l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

13.

Jirrikonoxxi l-piż imqiegħed fuq in-nisa bħala indokraturi ewlenin f'ambjenti formali u informali, kif ukoll il-valur soċjali tiegħu, speċjalment matul il-kriżi tal-COVID-19; jirrikonoxxi l-fatt li 80 % tal-kura kollha pprovduta madwar l-UE tingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali li spiss ma jitħallsux, li 75 % minnhom huma nisa; jinnota, għalhekk, ir-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu żgurati investimenti adegwati fis-servizzi tal-kura; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-fondi disponibbli fi ħdan il-politika ta' koeżjoni għall-forniment tal-kura mhux biss biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar għall-infrastruttura tal-kura, iżda wkoll biex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-disparitajiet bejn il-ġeneri fl-impjiegi, id-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet li jirriżultaw, is-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol u, b'riżultat ta' dan, biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiġi żgurata l-istess paga għall-istess xogħol, biex jiġu miġġielda l-impjieg informali u l-prekarjetà u biex jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja f'dan is-settur, kif ukoll biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni lejn ekonomija aħjar tal-kura li tkun aċċessibbli għal kulħadd; jitlob li l-Kummissjoni għalhekk tipproponi Patt ta' Kura għall-Ewropa mmirat biex jappoġġja tali tranżizzjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa ta' investiment fil-protezzjoni soċjoekonomika tan-nisa, minħabba l-fatt li dawn fil-biċċa l-kbira jassumu r-responsabbiltà għal xogħol ta' indukrar mhux imħallas u spiss ikollhom ftit li xejn protezzjoni soċjali;

14.

Jissottolinja li għad hemm bżonn li tiġi indirizzata b'mod determinat lakuna diġitali serja u li hemm bżonn li jsir investiment akbar fid-diġitalizzazzjoni, fl-innovazzjoni diġitali u fil-konnettività diġitali; jisħaq li l-politika ta' koeżjoni jeħtieġ li tappoġġja l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-impjieg għan-nisa u l-irġiel, timplimenta azzjoni pożittiva sabiex tnaqqas id-distakk diġitali bejn il-ġeneri u tappoġġja t-tranżizzjoni ġusta, dik ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tipproteġi lill-ħaddiema li se jiġu affettwati minn dawn it-tranżizzjonijiet, pereżempju billi żżid il-proporzjon ta' gradwati nisa fis-suġġetti STEM, kif ukoll l-involviment tagħhom f'setturi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni ambjentali, bħas-settur tal-enerġija; jirrikonoxxi l-fatt li l-innovazzjoni hija element essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli u tal-impjiegi ekoloġiċi fl-UE u li l-istrateġiji mfassla apposta jistgħu jippermettu lil kull reġjun jidentifika u jiżviluppa l-vantaġġi kompetittivi tiegħu stess;

15.

Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni biex isir investiment f'servizzi pubbliċi, inkluża l-kura tas-saħħa, u infrastruttura soċjali ta' kwalità għolja, kemm biex jiġu miġġielda d-diversi inugwaljanzi bejn il-ġeneri, speċjalment l-inugwaljana bejn il-ġeneri, kif ukoll biex tinbena r-reżiljenza soċjali u jiġu indirizzati b'suċċess il-kriżijiet ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija mmirata għall-iżvilupp armonjuż tar-reġjuni bis-saħħa tal-objettiv ta' konverġenza soċjali u ekonomika, u b'hekk tikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadini; għalhekk jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa li jgħixu fiż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali u fir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi jew iż-żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna jew iż-żoni skarsament popolati kif ukoll il-gżejjer, ir-reġjuni transfruntiera u r-reġjuni muntanjużi; jisħaq li l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri tgħin biex treġġa' lura x-xejriet tad-depopolazzjoni fir-reġjuni konverġenti li huma suxxettibbli għal dak il-fenomenu;

16.

Jirrimarka dwar l-opportunità tal-istrateġiji għall-iżvilupp urban u territorjali integrat u sostenibbli mwettqa mill-gvernijiet lokali u reġjonali f'konformità mal-Aġenda 2030, li jiżguraw li d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5, jiġu indirizzati meta jkunu qed jitfasslu l-politiki fil-livell lokali u f'dak reġjonali; jisħaq fuq ir-rwol imwettaq mill-bliet u r-reġjuni li ilhom żmien minn ta' quddiem nett fil-ħidma favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-inizjattivi Ewropej ta' żvilupp urban, bħall-Karta ta' Leipzig; jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi urbani mifruxa ħafna billi tintegra aħjar lin-nisa fl-ippjanar tal-politiki għall-iżvilupp reġjonali u urban sabiex jitfasslu bliet u komunitajiet inklużivi fir-rigward tal-ġeneri, li jkunu jaqblu għal kulħadd; jissottolinja li ppjanar urban sensittiv għall-ġeneru jista' jiżgura aċċess aktar ġust u aktar ugwali għall-beni urbani; jisħaq ukoll li r-reġjuni u l-gvernijiet lokali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, u li l-ippjanar territorjali sensittiv għall-ġeneru jista' jikkontribwixxi biex isiru avvanzi f'dan il-proċess;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020

17.

Jitlob impenn politiku qawwi favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali sabiex tissaħħaħ l-attenzjoni mogħtija mill-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lill-aspetti tal-ugwaljanza, kemm mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll bħala fattur kruċjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku, u biex jiġi promoss aktar impenn f'dan il-qasam;

18.

Jitlob li fil-programmi kollha ta' wara l-2020 jiġu introdotti miri u rekwiżiti ċari u konkreti dwar l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet u ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa, b'miżuri speċifiċi u interdixxiplinari li għandhom jiġu tradotti fl-operazzjonijiet kollha;

19.

Jappoġġja bil-qawwa r-rekwiżit ex ante li tiġi żviluppata strateġija nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'objettivi u miri ċari biex jirfdu l-interventi tal-politika ta' koeżjoni sabiex jittejbu l-effettività u l-valur miżjud tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw strateġija bħal din, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' miżuri mmirati, obbligi u linji gwida vinkolanti;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jutilizzaw il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni biex ikomplu jnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali reġjonali b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-femminizzazzjoni tal-faqar, fuq il-qgħad fost in-nisa u l-esklużjoni tagħhom minn ħafna opportunitajiet ekonomiċi, fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, fuq il-promozzjoni u l-insegwiment tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa permezz tat-titjib tal-aċċess għas-suq tax-xogħol u fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fih u fuq l-indirizzar tal-prijoritajiet relatati mas-saħħa kif definiti fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati bħala dritt fundamentali tal-bniedem u aspett essenzjali tal-benesseri tal-bnedmin, u fuq tal-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, barra minn hekk, li jittejbu s-sinerġiji bejn il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond għall-Irkupru u programmi eżistenti oħra bl-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nisa, inkluż billi jiġġieldu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, l-impjieg prekarju u l-impjieg informali, isir investiment fil-faċilitajiet tal-kura, tiġi miġġielda u pprevenuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, fost ħwejjeġ oħra;

21.

Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubiji mal-korpi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jappoġġja bil-qawwa l-involviment ta' dawn l-organizzazzjonijiet fil-fażijiet kollha tal-programmi sabiex jiġi ggarantit allinjament aħjar bejn l-azzjonijiet implimentati u l-ħtiġijiet tan-nisa u l-irġiel billi jiġu kkonsolidati l-oqfsa istituzzjonali u jissaħħu l-koordinazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-korpi ta' appoġġ fl-oqsma ta' politika kollha;

22.

Jitlob li tiddaħħal il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri ex anteex post bħala parti mill-evalwazzjonijiet tal-Istati Membri, b'rabta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-mod li bih jintefqu l-fondi u jekk il-konformità mal-miri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri hijiex irrispettata b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020, titwettaq evalwazzjoni dwar l-użu tas-sorsi tagħhom sabiex jiġu vvalutati l-effettività, l-effiċjenza, l-impatt u, fejn ikun applikabbli, l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni tagħhom, inkluż minn perspettiva tal-ġeneri;

23.

Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu evalwati l-Fondi abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti ta' monitoraġġ speċifiċi; jisħaq li indikaturi li jistgħu jitkejlu, fejn ikun xieraq, għandhom jippermettu wkoll li l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġi mmonitorjat;

24.

Jilqa' ż-żieda fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala waħda mill-prijoritajiet orizzontali tal-QFP il-ġdid u bħala prinċipju orizzontali fir-Regolament il-ġdid dwar Dispożizzjonijiet Komuni; ifakkar li l-ibbaġitjar skont il-ġeneru huwa l-applikazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju; jisħaq li l-monitoraġġ tal-programmi ma għandux ikollu biss l-għan li jkejjel in-nefqa rilevanti fil-linji baġitarji kollha, iżda, aktar importanti minn hekk, għandu jivvaluta l-eżitu tal-baġit tal-UE fit-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq li kull valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-UE; jirrakkomanda l-użu ta' kriterji li mhux biss jivvalutaw il-paga medjana nazzjonali u d-dħul gross annwali medjan fil-parità tal-kapaċità tal-akkwist, iżda anke l-indikaturi mhux ekonomiċi, bħal dawk li jkejlu l-benessri soġġettiv, l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-impenn ċivili, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u r-rabtiet soċjali; jissottolinja li l-valutazzjoni tal-eżitu hija possibbli biss jekk tkun disponibbli data diżaggregata skont il-ġeneru;

25.

Jisħaq fuq id-diskrepanza fid-data dwar il-ġeneri fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-ippjanar urban, li teżisti f'għadd ta' Stati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jintroduċu metodi għall-ġbir tad-data li jikkorrispondu għal data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex id-differenzi bejn il-ġeneri jkunu jistgħu jiġu analizzati kif xieraq; jisħaq li sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, il-Kummissjoni għandha timplimenta valutazzjoni tal-impatt tal-ġeneru għal kull politika u proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, tiddefinixxi indikaturi reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru u twettaq evalwazzjonijiet reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

26.

Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jipprovdu dokumenti ta' gwida u, fuq bażi regolari, taħriġ prattiku fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, sabiex ixerrdu u jintegraw eżempji konkreti ta' prattiki tajba dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, l-integrazzjoni u l-immaniġġjar tajjeb; jisħaq, barra minn hekk, li fl-istadju tal-għażla tal-proġett il-kriterji għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandhom jissaħħu permezz ta' punteġġi ogħla u rekwiżiti għal azzjonijiet aktar prattiċi; jilqa' r-rwol tal-EIGE fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jissottolinja l-kontribut pożittiv tiegħu għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; jappella għall-finanzjament adegwat tal-EIGE u jirrakkomanda li jsir użu mill-għodod eżistenti żviluppati mill-EIGE bħas-sett ta' għodod tiegħu għall-ibbaġitjar skont il-ġeneru fl-istadji kollha tal-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

27.

Jisħaq fuq il-fatt li numru bla għadd ta' nisa qed jiffaċċjaw l-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għal żidiet qawwija fir-rapporti ta' vjolenza domestika; jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'mod urġenti r-ratifika min-naħa tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni u jwettqu programmi li huma mmirati lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza; jisħaq fuq id-disparitajiet li hemm fil-kwantità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti għan-nisa u t-tfal li jbatu minħabba l-vjolenza sessista, u r-rwol tal-politika ta' koeżjoni fl-eliminazzjoni gradwali ta' tali inugwaljanzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali jinvolvu lill-impjegaturi reġjonali u lill-NGOs fil-ħidma tagħhom;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u kwistjonijiet relatati mal-ġeneru fil-komunikazzjoni tagħha dwar it-tnedija tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida għall-2021-2027;

o

o o

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://www.ohchr.org/documents/professionalinterest/cedaw.pdf

(2)  https://sdgs.un.org/goals/goal5

(3)  https://www.ccre.org/docs/charte_egalite_en.pdf

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(8)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).

(10)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(11)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.

(12)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.

(13)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 173.

(14)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 35.

(15)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.

(16)  https://eige.europa.eu/publications/gender-regional-cohesion-policy

(17)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 99.

(18)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 49.

(19)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 14.

(20)  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 60.

(21)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 6.

(22)  ĠU C 458, 19.12.2018, p. 34.

(23)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 9.

(24)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.

(25)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 80.

(26)  https://eige.europa.eu/publications/gender-budgeting-mainstreaming-gender-eu-budget-and-macroeconomic-policy-framework

(27)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/aid_development_cooperation_fundamental_rights/opinion_on_gender_equality_policy_post_2019_2018_en.pdf

(28)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 38.

(29)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.

(30)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7263-2019-INIT/en/pdf

(31)  Testi adottati, P9_TA(2019)0080.

(32)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14254-2019-INIT/mt/pdf.

(33)  https://www.oecd.org/industry/the-missing-entrepreneurs-43c2f41c-en.htm

(34)  Testi adottati, P9_TA(2019)0101.

(35)  Studju/Analiżi fil-fond – “Gender Dimension of the EU Cohesion Policy” (Id-Dimensjoni tal-Ġeneru tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE), Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 19 ta' Frar 2019, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2019/629185/IPOL_STU(2019)629185_EN.pdf

(36)  Testi adottati, P9_TA(2020)0025.

(37)  Testi adottati, P9_TA(2020)0039.

(38)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/research_and_innovation/research_by_area/documents/ec_rtd_covid19-gender-equality_factsheet.pdf

(39)  https://ec.europa.eu/info/publications/gender-smart-financing-investing-and-women-opportunities-europe_en

(40)  https://eige.europa.eu/publications/gender-equality-index-2020-digitalisation-and-future-work

(41)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/25


P9_TA(2021)0277

Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (2020/2273(INI))

(2022/C 67/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-istess suġġett (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 dwar l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020)0381),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2016 dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi (COM(2016)0087),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-Rieżami ta' Nofs il-Mandat tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 (COM(2015)0478),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja (COM(2019)0352) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (2);

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (3) u l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar Programm Ġenerali ġdid ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (COM(2020)0652),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (4),

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-31 ta' Mejju 2019 dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u l-15-il laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Partijiet tagħha (COP15),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra l-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità tas-Segretarjat tal-KDB tal-15 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), b'mod partikolari r-Rapport Speċjali tal-24 ta' Settembru 2019 dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel, ir-Rapport Speċjali tat-8 ta' Awwissu 2019 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art, u r-Rapport Speċjali tat-8 ta' Ottubru 2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 oC,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed mit-Tniġġis, il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal,

wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-24 ta' Jannar 2018 u tal-15 ta' Lulju 2020 dwar l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mat-tgawdija ta' ambjent sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Wegħda tal-Mexxejja tan-NU għan-Natura tat-28 ta' Settembru 2020 bit-titolu “United to Reverse Biodiversity Loss by 2030 for Sustainable Development” (Magħqudin biex inreġġgħu lura t-Telfien ta' Bijodiversità sal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “The European environment – state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe” (L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020: Għarfien għat-tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli),

wara li kkunsidra r-rapport tal-EEA tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018” (L-istat tan-natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Perspettiva Globali tal-2019 dwar ir-Riżorsi mill-Panel Internazzjonali tar-Riżorsi tal-Programm tan-NU għall-Ambjent,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Workshop tal-IPBES tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji,

wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) dwar il-Qagħda tas-Sajd u tal-Akkwakultura fid-Dinja,

wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ix-Xjenza għall-Politika tat-13 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Mapping and Assessment of Ecosystems and their Services: An EU ecosystem assessment” (L-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u s-Servizzi tagħhom: Valutazzjoni tal-ekosistema tal-UE),

wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tal-5 ta' Frar 2020 bit-titolu “L-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: progress limitat fil-kejl u fit-tnaqqis tar-riskji”, tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis”, tad-9 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Protezzjoni tal-pollinaturi selvaġġi fl-UE – l-inizjattivi tal-Kummissjoni ma tawx ir-riżultati mixtieqa”, u tas-26 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita”,

wara li kkunsidra l-briefing tal-EEA tas-6 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas” (L-effettività tal-ġestjoni fin-network taż-żoni protetti ta' Natura 2000 tal-UE),

wara li kkunsidra l-briefing tal-EEA tal-11 ta' Jannar 2021 bit-titolu “Growth without economic growth” (Tkabbir mingħajr tkabbir ekonomiku),

wara li kkunsidra l-eżitu tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi Ad Hoc tal-KDB dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-15 ta' April 2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar ir-rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (10) u tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 (13),

wara li kkunsidra l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, u l-Kumitat għas-Sajd,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0179/2021),

A.

billi l-Parlament Ewropew iddikjara emerġenza klimatika u ambjentali u impenja ruħu li jieħu b'mod urġenti l-azzjoni konkreta meħtieġa biex tiġi miġġielda u mrażżna din it-theddida qabel ma jkun tard wisq (14); billi t-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima huma interkonnessi u jaggravaw lil xulxin (15), filwaqt li jirrappreżentaw theddid ugwali għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna, u bħala tali, għandhom jiġu indirizzati flimkien b'mod urġenti;

B.

billi n-natura sejra għall-agħar b'rata u bi skala mingħajr preċedent fl-istorja tal-bniedem; billi fuq livell globali miljun speċi huma stmati li huma f'riskju ta' estinzjoni (16); billi 23 % tal-ispeċijiet u 16 % tal-ħabitats biss fl-ambitu tad-direttivi tal-UE dwar in-natura għandhom status favorevoli (17);

C.

billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-ftehim internazzjonali li jmiss skont il-KDB għandhom l-għan li jistabbilixxu l-oqfsa tal-UE u dawk globali dwar il-bijodiversità sal-2030;

D.

billi l-2021 se tkun sena deċiżiva għall-bijodiversità u billi l-COP15 għandu jkun il-mument tal-Ftehim ta' Pariġi għall-bijodiversità; billi l-COP15 u l-COP26 tal-UNFCCC jipprovdu opportunità unika biex issir bidla minn mudell reattiv għal wieħed proattiv u ta' prekawzjoni u biex isiru l-bidliet trasformattivi meħtieġa;

E.

billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, flimkien ma' politiki oħra, se jsawru l-bidla biex tiġi protetta n-natura u jiġu kkonservati l-ħabitats u l-ispeċijiet;

F.

billi l-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li mhux tard wisq biex jitwaqqfu u jitreġġgħu lura x-xejriet attwali fit-tnaqqis tal-bijodiversità (18); billi dan se jirrikjedi bidliet sostanzjali;

G.

billi l-bnedmin huma parti min-natura u billi n-natura għandha valur intrinsiku; billi l-bijodiversità hija parti integrali mill-wirt dinji;

H.

billi l-estinzjoni tal-ispeċijiet hija permanenti, thedded l-ekosistemi u l-provvista ta' servizzi tal-ekosistema, u toħloq theddida għall-benesseri u s-sopravivenza tal-bnedmin; billi l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) iddikjarat li ġew estinti 160 speċi matul l-aħħar għaxar snin biss;

I.

billi skont l-IPBES, 90 % tal-art mistennija tinbidel b'mod sinifikanti sal-2050 u 75 % tal-art diġà nbidlet b'mod sinifikanti; billi 85 % tal-artijiet mistagħdra diġà ntilfu;

J.

billi l-bijodiversità hija kruċjali għas-sigurtà tal-ikel, il-benessri tal-bniedem u l-iżvilupp madwar id-dinja;

K.

billi l-UE jeħtiġilha taħtaf l-opportunitajiet biex tinkorpora t-tagħlimiet li ħadet mill-pandemija tal-COVID-19 fil-politiki u l-objettivi tagħha;

L.

billi 70 % tal-mard u l-pandemiji emerġenti joriġinaw mill-annimali (19); billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-prattiki li jpoġġu l-bijodiversità taħt pressjoni jistgħu jwasslu għal riskji akbar għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

M.

billi l-qerda ta' ħabitats naturali u l-kummerċ ta' organiżmi selvaġġi jżidu l-kuntatt bejn il-bnedmin u l-organiżmi selvaġġi u se jkunu fattur importanti fit-tfaqqigħ u t-tixrid ta' mard virali fil-ġejjieni (20);

N.

billi l-bijodiversità tagħti kontribut pożittiv għas-saħħa tal-bniedem; billi sa 80 % tal-mediċini użati mill-bnedmin joriġinaw min-natura (21);

O.

billi l-UE għandha aktar żoni protetti minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja (22); billi n-network attwali taż-żoni protetti legalment, fosthom dawk bi protezzjoni stretta, mhux biżżejjed biex iħares il-bijodiversità (23);

P.

billi l-UE għadha qed tiffaċċja diskrepanzi kbar fl-implimentazzjoni fir-rigward tal-ġestjoni effettiva tan-network ta' Natura 2000;

Q.

billi n-network Natura 2000 jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet, iżda bosta speċijiet mhedda mhumiex protetti minn dan in-network (24);

R.

billi ġie stmat li n-network Natura 2000 jappoġġja 52 000 impjieg dirett u indirett fil-ġestjoni tal-konservazzjoni, u billi 3,1 miljun (kwart) tal-impjiegi fil-qasam tat-turiżmu huma marbuta ma' żoni protetti (25); billi l-espansjoni taż-żoni protetti hija maħsuba biex tissalvagwardja l-bijodiversità, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-mitigazzjoni u tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u tiġġenera redditi sostanzjali permezz tal-investiment u l-ħolqien ta' impjiegi;

S.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri enfasizzat nuqqasijiet serji fil-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni jew ir-restawr tal-bijodiversità, inklużi iżda mhux limitati għal miżuri inadegwati biex tiġi protetta jew irrestawrata l-bijodiversità, nuqqas ta' implimentazzjoni u finanzjament, u indikaturi inadegwati biex jitkejjel il-progress (26); billi l-politiki futuri tal-UE għandhom jirrimedjaw u jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet;

T.

billi madwar 75 % tal-għelejjel fid-dinja jiddependu mill-insetti dakkara (27) u billi n-numri ta' dakkara naqsu b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar deċennji; billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-konservazzjoni tal-insetti huma marbuta b'mod inseparabbli;

U.

billi d-dokument ta' gwida dwar in-naħal tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ma ġiex adottat formalment u r-rieżami tiegħu ma ġiex iffinalizzat b'suċċess;

V.

billi l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara fit-18 ta' Diċembru 2019 (28), li tikkonferma l-pożizzjoni b'saħħitha tiegħu dwar l-importanza tal-protezzjoni tad-dakkara;

W.

billi l-qafas u l-azzjonijiet tal-Inizjattiva attwali tal-UE dwar id-Dakkara jirrikjedu infurzar u integrazzjoni fil-politiki settorjali kollha tal-UE;

X.

billi l-monitoraġġ, ir-riċerka u attivitajiet oħra relatati mal-protezzjoni tal-insetti huma fframmentati, ta' spiss inadegwati, u mhumiex iffinanzjati biżżejjed jew ma jeżistux fil-livell nazzjonali;

Y.

billi t-telfien tal-bijodiversità huwa marbut ma' attivitajiet ekonomiċi; billi l-attivitajiet ekonomiċi għandhom jirrispettaw il-limiti tad-dinja;

Z.

billi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi għandha benefiċċji ekonomiċi diretti u indiretti għall-biċċa l-kbira tas-setturi tal-ekonomija u tirfed il-funzjonament tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna; billi n-negozji kollha jiddependu mis-servizzi tal-ekosistema jew direttament jew indirettament; billi politika mtejba dwar il-bijodiversità b'miżuri effettivi għandha l-potenzjal li ssaħħaħ l-ekonomija u tipprovdi opportunitajiet ta' impjieg;

AA.

billi l-fatturi ewlenin diretti li jwasslu għat-telfien tal-bijodiversità huma l-bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar, l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-invażjoni ta' speċijiet aljeni (29); billi flimkien mal-konservazzjoni u r-restawr tan-natura, azzjoni fir-rigward tal-ixprunaturi tat-telfien tal-bijodiversità, speċjalment fis-setturi tal-użu tal-art u t-trasformazzjoni tas-sistema alimentari, huma essenzjali għal strateġija għall-bijodiversità effettiva għal wara l-2020 (30);

AB.

billi l-ħamrija hija riżorsa komuni (31) u l-bijodiversità tal-ħamrija hija taħt pressjoni dejjem akbar; billi l-monitoraġġ madwar l-UE tal-bijodiversità tal-ħamrija, inklużi x-xejriet fil-firxa u l-volum tagħha, għandhom jikkomplementaw l-Istħarriġ Qafas Statistiku tal-Użu tal-Art taż-Żona Koperta regolari tal-parametri fiżikokimiċi fit-tul;

AC.

billi l-bijodiversità agrikola tkopri l-komponenti kollha tad-diversità bijoloġika li huma rilevanti għall-ikel u għall-agrikoltura u l-komponenti kollha tad-diversità bijoloġika li jikkostitwixxu ekosistemi agrikoli, imsejħa wkoll agroekosistemi, inklużi l-varjetà u l-varjabbiltà tal-annimali, il-pjanti u l-mikroorganiżmi fil-livell ġenetiku, tal-ispeċijiet u tal-ekosistemi, li huma meħtieġa biex jiġu sostnuti l-funzjonijiet ewlenin tal-agroekosistema, l-istruttura u l-proċessi tagħha;

AD.

billi x-xejriet fit-tul fl-art agrikola, fil-foresti u fil-popolazzjonijiet tal-għasafar komuni u tal-friefet tal-bwar juru li l-UE esperjenzat tnaqqis kbir fil-bijodiversità tal-art agrikola (32); billi dan huwa primarjament minħabba t-telfien, il-frammentazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali, prinċipalment minħabba l-intensifikazzjoni agrikola, il-ġestjoni intensiva tal-foresti, l-abbandun tal-art u l-espansjoni urbana (33);

AE.

billi l-ġestjoni sostenibbli tal-artijiet agrikoli tista' tikkontribwixxi għal funzjonijiet usa' tal-ekosistema, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità, is-sekwestru tal-karbonju, iż-żamma tal-kwalità tal-ilma u tal-arja, iż-żamma tal-kontenut ta' tira permezz ta' tnaqqis fl-ilma li jiskula, it-tħallija tal-infiltrar tal-ilma fil-ħamrija u l-kontroll tal-erożjoni;

AF.

billi mill-mammiferi kollha fid-dinja, huwa stmat, abbażi tal-bijomassa, li l-maġġoranza huma bhejjem u perċentwal baxx huma selvaġġi; billi l-livell baxx tad-diversità ġenetika tal-għasafar (34) huwa inkwetanti;

AG.

billi s-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar jistgħu jikkontribwixxu għall-SDGs tan-NU;

AH.

billi studji xjentifiċi qajmu tħassib dwar l-impatti negattivi sinifikanti fit-tul li l-użu ta' ċerti tekniki tas-sajd jista' jkollhom fuq il-bijodiversità tal-oċeani u l-ambjent tal-baħar;

AI.

billi s-sajjieda jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tad-degradazzjoni ambjentali u għall-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar billi jużaw metodi u tekniki sostenibbli;

AJ.

billi d-degradazzjoni tal-ħabitats u t-tfixkil fil-kurituri tal-migrazzjoni, u l-isfruttament żejjed minħabba s-sajd, fost fatturi oħra, wasslu biex xi speċijiet ta' ħut bħall-isturjun spiċċaw fuq l-għatba tal-estinzjoni;

AK.

billi, minkejja xi titjib ivverifikat li sar fis-sostenibbiltà fl-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar f'xi baċiri tal-baħar, għad hemm żoni li jippreżentaw sitwazzjonijiet inkwetanti, b'mod partikolari l-Baħar Mediterran;

AL.

billi l-UE stabbiliiet miri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; billi għadhom meħtieġa miżuri biex jintlaħaq l-objettiv ta' status ambjentali tajjeb għall-korpi tal-ilma;

AM.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ddikjarat (35) li għalkemm hemm stabbilit qafas għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet tal-UE ma wasslux għal protezzjoni suffiċjenti tal-ekosistemi u tal-ħabitats, u li ż-żoni tal-baħar protetti (MPAs) attwali jipprovdu biss protezzjoni limitata;

AN.

billi l-foresti u t-totalità tal-katina tal-valur ibbażata fuq il-foresti huma fundamentali għall-iżvilupp ulterjuri tal-bijoekonomija ċirkolari peress li jipprovdu impjiegi, jiżguraw il-benessri ekonomiku fiż-żoni rurali u urbani, jipprovdu servizzi ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima, joffru benefiċċji relatati mas-saħħa, iħarsu l-bijodiversità u l-prospetti taż-żoni rurali, insulari u muntanjużi u jiġġieldu d-deżertifikazzjoni;

AO.

billi l-foresti jammontaw għal 43 % tal-erja tal-art tal-UE u fihom 80 % tal-bijodiversità terrestri tagħha (36); billi l-attivitajiet tal-forestrija huma t-tieni l-akbar kategorija ta' pressjoni rrapportata għall-ispeċijiet (37), filwaqt li jaffettwaw b'mod partikolari l-artropodi, il-mammiferi u l-pjanti mhux vaskulari; billi bosta speċijiet li jiddependu mill-foresti huma affettwati b'mod negattiv mit-tneħħija ta' siġar mejta, siġar li qed imutu u siġar antiki (38)

AP.

billi fil-foresti hemm aktar minn 75 % tal-bijodiversità terrestri tad-dinja (39); billi l-Parlament għamel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti u l-ekosistemi li l-UE hija responsabbli għalihom (40);

AQ.

billi l-istatus tajjeb tal-ambjent u tal-ekosistemi b'saħħithom huwa essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-ekosistemi jkollhom rwol fundamentali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih; billi t-tibdil fil-klima jaffettwa lill-bijodiversità peress li l-parametri tal-klima jiddeterminaw l-aktar il-firxiet tad-distribuzzjoni ġeografika tal-ispeċijiet; billi f'żoni fejn il-klima ma għadhiex aktar xierqa, xi speċijiet ibiddlu l-firxiet ġeografiċi tagħhom u oħrajn isiru estinti fil-livell lokali;

AR.

billi s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema għandhom il-potenzjal li jipprovdu rabta politika b'saħħitha bejn it-tliet konvenzjonijiet ta' Rio, biex it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità jiġu indirizzati b'mod integrat;

AS.

billi skont l-IPBES, it-tniġġis huwa wieħed mill-ħames xprunaturi tat-telfien tal-bijodiversità; billi huwa stmat li teżisti informazzjoni solida dwar madwar 500 sustanza kimika u billi sa April 2019, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qieset li 450 sustanza qed jiġu regolati b'mod suffiċjenti; billi 10 000 sustanza oħra jitqiesu li għandhom ir-riskji tagħhom ikkaratterizzati b'mod pjuttost tajjeb, filwaqt li informazzjoni limitata dwar ir-riskji hija disponibbli għal madwar 20 000 sustanza; billi għall-maġġoranza, madwar 70 000 sustanza, ftit li xejn hemm informazzjoni dwar il-perikli jew ir-riskji ta' esponiment tagħhom; billi d-diskrepanzi sinifikanti fl-għarfien fir-rigward tal-impatti kollha tas-sustanzi kimiċi fuq il-bijodiversità u l-ambjent jeħtieġ li jiġu eliminati b'mod urġenti;

AT.

billi t-tniġġis tad-dawl ibiddel il-livelli tad-dawl naturali ta' billejl għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti, u b'hekk jaffettwa b'mod negattiv il-bijodiversità billi, pereżempju jiżbilanċja l-attività migratorja, notturna u riproduttiva tal-annimali, u dan iwassal ukoll għat-telf ta' insetti u dakkara, li jiġu attirati b'mod fatali għad-dawl artifiċjali;

AU.

billi skont ir-rapport tal-2020 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (41), l-ispeċijiet aljeni invażivi (IAS) issa jinsabu fl-ekosistemi kollha u qed jheddu b'mod partikolari l-ekosistemi urbani u l-bwar;

AV.

billi x-xejriet negattivi attwali fil-bijodiversità u l-ekosistemi se jimminaw il-progress mhux biss lejn l-ilħuq tal-miri ambjentali tal-SDG, iżda anke ta' dawk relatati mal-faqar, il-ġuħ, is-saħħa, l-ilma, il-bliet u l-klima; billi, għaldaqstant, it-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità jridu jitqiesu mhux biss bħala kwistjoni ambjentali iżda anke bħala kwistjoni ekonomika, soċjali, morali u li taffettwa l-iżvilupp;

AW.

billi qrib it-80 % tal-bijodiversità tal-UE tinsab fir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha u fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (42);

AX.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom relatati mal-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem, flimkien mal-obbligi tagħhom relatati mal-koerenza tal-politiki fl-azzjoni esterna, f'konformità mal-obbligu tagħhom skont il-Karta biex fil-politiki tal-UE jiġu integrati livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, u f'konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli;

AY.

billi l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent tista' twitti t-triq biex jissawwar qafas legali tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità; billi l-għadd ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-ambjent u l-art li sfaw attakkati żdied b'mod konsiderevoli madwar id-dinja f'dawn l-aħħar snin;

AZ.

billi huwa stmat li l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jiġġestixxu, jużaw, jokkupaw jew huma s-sidien ta' mill-inqas kwart tal-erja globali tal-art; billi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tirrikonoxxi d-drittijiet kollettivi u individwali tal-popli indiġeni; billi l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jiżvolġu rwol essenzjali fil-preservazzjoni tal-bijodiversità tad-dinja u billi l-miri globali għall-bijodiversità ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tagħhom;

BA.

billi kemm il-kummerċ illegali kif ukoll dak legali tal-organiżmi selvaġġi u l-użu tagħhom jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-bijodiversità, u billi l-qerda ta' ħabitats naturali u l-isfruttament tal-organiżmi selvaġġi jikkontribwixxu sabiex jitfaċċja u jinxtered mard infettiv (43);

BB.

billi skont l-IPBES u l-IPCC, il-bijodiversità tal-baħar tinsab f'periklu serju (44); billi l-EEA wissiet dwar l-istat attwali tad-degradazzjoni tal-ambjent tal-baħar Ewropew u l-ħtieġa li l-ekosistemi tal-baħar tagħna jiġu restawrati malajr billi jiġi indirizzat l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent tal-baħar (45); billi l-hotspots tal-baħar bħall-iskollijiet tal-qroll, il-mangrovji u l-alka tal-qiegħ huma ddegradati b'mod qawwi u huma mhedda mit-tibdil fil-klima u t-tniġġis;

BC.

billi l-oċean huwa wieħed, u l-istatus ambjentali tajjeb tiegħu huwa vitali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu u l-provvista kontinwa tiegħu ta' servizzi tal-ekosistema bħall-assorbiment tas-CO2 u l-produzzjoni tal-ossiġenu; billi l-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu mis-saħħa tal-oċean u l-ekosistemi tal-baħar li bħalissa huma affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament iżżejjed tal-bijodiversità tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni u l-erożjoni tal-kosta; billi l-IPCC ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalihom (46);

BD.

billi 80 % tal-iskart fil-baħar huwa bbażat fuq l-art u billi 150 tunnellata ta' plastik akkumulaw fl-oċeani tagħna (47); billi 80 % tad-drenaġġ urban jintrema fil-baħar; billi fil-wiċċ, il-massa kumulattiva ta' skart li jżomm f'wiċċ l-ilma tirrappreżenta biss 1 % tal-plastiks li jintremew fl-oċean (48);

BE.

billi l-ekonomija blu tirrappreżenta opportunità għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet tal-baħar u dawk kostali;

BF.

billi għandhom jiġu mħeġġa inizjattivi konġunti bejn il-persuni, il-muniċipalitajiet, l-assoċjazzjonijiet, in-negozji, l-istituzzjonijiet edukattivi u kwalunkwe parti kkonċernata oħra tas-soċjetà dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità;

BG.

billi l-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġija tirrikjedi kooperazzjoni effettiva fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri, inklużi l-partijiet ikkonċernati kollha;

L-Istatus attwali tal-bijodiversità

1.

Jilqa' l-Istrateġija l-ġdida għall-Bijodiversità tal-UE għall-2030 u l-livell ta' ambizzjoni tagħha;

2.

Jilqa', barra minn hekk, l-ambizzjoni ewlenija li niżguraw li sal-2050 tiġi restawrata kull ekosistema fid-dinja u li din tkun reżiljenti u protetta kif xieraq; jisħaq li għandhom isiru l-isforzi kollha biex jintlaħaq dan l-għan mill-aktar fis possibbli;

3.

Iqis li fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, għandha tiġi żgurata l-konsistenza ma' strateġiji oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħall-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; jirrikonoxxi l-importanza tat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli: ambjentali, ekonomiku u soċjali; ifakkar li d-dimensjoni ambjentali, inklużi l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi, tirfed iż-żewġ dimensjonijiet l-oħra u hija l-bażi fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u għall-kisba tal-SDGs;

4.

Ifakkar li hemm bżonn urġenti li tissaħħaħ il-viżjoni marittima fl-istrateġiji l-ġodda tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fis-segwitu tal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża kull proposta leġiżlattiva fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva li tqis l-effetti individwali u kumulattivi, l-impatt fuq is-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tas-setturi rilevanti, fuq is-sigurtà alimentari u l-prezzijiet tal-ikel, u fuq ir-riskju potenzjali li t-telf tal-bijodiversità jiġi spostjat f'pajjiżi li mhumiex fl-UE billi l-produzzjoni lokali tiġi sostitwita bl-importazzjonijiet, kif ukoll l-ispejjeż tal-azzjoni u n-nuqqas ta' azzjoni f'termini ta' impatti immedjati u fit-tul;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni, għall-finijiet li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt, tikkomplementa l-unika għodda li tintuża attwalment biex jiġu vvalutati l-aspetti ambjentali b'għodod li jeżaminaw l-impatti relatati mal-bijodiversità, l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis;

7.

Jinnota, f'dan ir-rigward, li l-iffukar parallel fuq il-benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-forestrija jista' jgħin biex jiġu żgurati r-reżiljenza u l-kapaċità ta' adattament, kif ukoll biex issir it-tranżizzjoni għal bijoekonomija ċirkolari u jitjieb il-ħarsien tal-bijodiversità; iqis li l-miri u l-implimentazzjoni jeħtieġ li jqisu l-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet speċifiċi ta' kull pajjiż u jirriżultaw f'impatti pożittivi fuq il-foresti u l-kundizzjonijiet tal-forestrija, l-għajxien fiż-żoni rurali u l-bijodiversità tal-foresti fl-UE;

8.

Ifakkar fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-IPBES tal-2019, li jiddikjaraw li fuq livell globali n-natura qed tonqos b'rata li qatt ma kien hemm bħalha fl-istorja tal-bniedem u madwar miljun speċi huma mhedda bl-estinzjoni minn total stmat ta' aktar minn tmien miljun speċi;

9.

Jinnota li din hija t-tielet strateġija għall-bijodiversità li qed tfittex li twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità tal-UE; jiddeplora l-fatt, madankollu, li l-bijodiversità fl-UE qed tkompli tonqos; jesprimi dispjaċir qawwi għall-fatt li l-UE la laħqet l-għanijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità sal-2020 u lanqas il-Miri globali tal-Bijodiversità ta' Aichi;

10.

Jisħaq li l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jeħtieġ li tilħaq bis-sħiħ il-miri tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jieħdu miżuri sostanzjali u addizzjonali dwar il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità sabiex jintlaħqu l-objettivi l-ġodda kollha, li għandhom ikunu definiti b'mod ċar u jkunu jistgħu jitkejlu;

11.

Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 għal darba oħra wriet l-importanza li jiġi applikat b'mod olistiku l-prinċipju ta' “Saħħa Waħda” fit-tfassil tal-politika, li jirrifletti l-fatt li s-saħħa tal-bniedem, l-annimali u l-ambjent huma interkonnessi u li hemm ħtieġa urġenti ta' bidliet trasformattivi fis-soċjetà kollha; jissottolinja r-rwol importanti tal-Kummissjoni fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-approċċ Saħħa Waħda fl-UE u l-promozzjoni tiegħu fil-fora internazzjonali kollha; jitlob rikunsiderazzjoni u allinjament sħiħ b'mod urġenti tal-politiki attwali tal-UE mal-bidliet meħtieġa;

12.

Jinnota li l-kawżi sottostanti tal-pandemiji jinkludu l-istess bidliet ambjentali globali li jikkawżaw it-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima (49), bħat-tibdil fl-użu tal-art u l-kummerċ u l-konsum legali u illegali tal-organiżmi selvaġġi; jindika li r-riskju ta' pandemiji jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti billi jitnaqqsu l-attivitajiet umani li jikkawżaw it-telfien tal-bijodiversità u li l-ispiża stmata għat-tnaqqis tar-riskju ta' pandemiji hija 100 darba inqas mill-ispiża tar-rispons għalihom (50);

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu bis-sħiħ l-evidenza xjentifika, ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet dwar iż-żoonożi u l-pandemiji, inkluż ir-rapport tal-workshop tal-IPBES dwar it-telfien tal-bijodiversità u l-pandemiji (51), ir-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tas-6 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Preventing the next pandemic – Zoonotic diseases and how to break the chain of transmission” (Il-prevenzjoni tal-pandemija li jmiss – Il-mard żoonotiku u kif nistgħu nwaqqfu l-katina tat-trażmissjoni) (52), u n-nota tal-kunċett tripartitiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), tal-FAO u tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) ta' April 2010 dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet globali biex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa fis-sħubija tal-interfaċċji bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ekosistemi, biex jiġu miġġielda r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent (53);

14.

Jilqa' t-tisħiħ previst tal-azzjoni tal-UE kontra l-pandemiji u theddid ieħor għas-saħħa bħala parti mill-Unjoni Ewropea tas-Saħħa (54), inkluż l-istabbiliment ta' pjan tal-UE għall-kriżijiet tas-saħħa u l-pandemiji kif previst fil-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (55), li għandu jinkludi l-pandemiji b'oriġini żoonotika;

Il-protezzjoni u r-restawr

15.

Jesprimi appoġġ qawwi għall-miri tal-UE tal-protezzjoni effettiva ta' mill-inqas 30 % taż-żoni marittimi u terrestri tal-UE, li jkopru firxa diversa ta' ekosistemi bħall-foresti, l-artijiet mistagħdra, it-torbiera, il-bwar u l-ekosistemi kostali, u tal-protezzjoni stretta ta' mill-inqas 10 % taż-żoni marittimi u terrestri tal-UE, inklużi l-foresti primarji u antiki kollha li fadal, u ekosistemi oħra rikki fil-karbonju; jisħaq li dawn il-miri għandhom ikunu vinkolanti u li jiġu implimentati mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u f'konformità mal-kriterji bbażati fuq ix-xjenza u l-ħtiġijiet tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fid-daqs u fis-sehem taż-żoni naturali f'kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi reġjonali u lokali;

16.

Jisħaq li dawn iż-żoni protetti għandhom joħolqu network ekoloġikament koerenti u rappreżentattiv, li jibni fuq iż-żoni protetti eżistenti; jissottolinja li minbarra ż-żieda taż-żoni protetti, trid tiġi żgurata l-kwalità taż-żoni protetti, inkluż permezz ta' finanzjament suffiċjenti u tal-implimentazzjoni ta' pjanijiet ċari u effettivi ta' konservazzjoni, ġestjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni adegwati, u l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

17.

Ifakkar li skont ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali mill-IUCN, l-attivitajiet industrijali u l-iżvilupp tal-infrastruttura li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jiġu pprojbiti fil-kategoriji kollha ta' żoni protetti (56);

18.

Jisħaq li jeħtieġ li tiġi prodotta definizzjoni ċara ta' protezzjoni stretta; jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2020 dwar il-bijodiversità, li fihom jingħad li livell aktar strett ta' protezzjoni jista' jippermetti li ċerti attivitajiet tal-bniedem isiru f'konformità mal-objettivi ta' konservazzjoni taż-żona protetta; iqis li l-attivitajiet tal-bniedem li huma kompatibbli mal-objettivi ta' protezzjoni, jew li saħansitra jikkontribwixxu pożittivament għall-bijodiversità, għandhom ikunu ammissibbli f'żoni bi protezzjoni stretta; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, liema tip ta' attivitajiet umani jistgħu potenzjalment jitqiesu bħala permessi taħt status ta' protezzjoni stretta meta essenzjalment ma jiddisturbawx il-proċessi naturali u jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti ekoloġiċi taż-żoni, abbażi ta' valutazzjoni każ b'każ ibbażata fuq l-aħjar xjenza disponibbli;

19.

Jissottolinja li sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, id-degradazzjoni taż-żona tal-baħar u tal-art tal-UE li fadal jeħtieġ li tiġi evitata wkoll; jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi indirizzat it-telfien tal-bijodiversità barra miż-żoni protetti; jinnota li r-restawr tan-natura u l-ekosistemi f'żoni protetti ma jagħmilx tajjeb għat-telfien kontinwu tal-bijodiversità u d-degradazzjoni kontinwi tal-ekosistemi fi bnadi oħra;

20.

Jissottolinja l-importanza tal-inklużjoni ta' pajjiżi u territorji barranin fl-isforzi ta' konservazzjoni u restawr;

21.

Iqis li huwa importanti li jitqiesu r-reġjuni bijoġeografiċi u li jiġi adottat approċċ ta' gvern sħiħ għaż-żoni protetti li jinvolvi l-evalwazzjoni mill-Istati Membri tal-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ finanzjarju u ta' kumpens fil-kuntest tad-deżinjazzjoni ta' żoni protetti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sidien tal-art;

22.

Jenfasizza l-importanza tas-siti forestali ta' Natura 2000 fil-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-foresti; jinnota, madankollu, li hemm bżonn ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jiġu mmaniġġjati oqsma bħal dawn u jiġi żgurat l-infurzar;

23.

Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b'mod bilanċjat għas-saħħa, ir-reżiljenza għall-klima u l-lonġevità tal-ekosistemi forestali u l-preservazzjoni tar-rwol multifunzjonali tal-foresti, inkluż biex tinżamm il-bijodiversità tal-foresti, kif ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) u jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-valur tal-inkorporazzjoni tad-diversità ġenetika f'kunsiderazzjonijiet relatati mat-tħawwil – peress li dan jillimita r-riskju ta' attakki ta' pesti u t-tixrid tal-mard – kif ukoll tal-ispeċijiet lokali/nattivi;

24.

Ifakkar li l-UE għandha l-akbar network ikkoordinat ta' żoni protetti fid-dinja;

25.

Jinnota l-impenn biex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda deterjorament fix-xejriet ta' konservazzjoni u l-istatus favorevoli tal-ħabitats u l-ispeċijiet protetti kollha sal-2030 u biex jiġi żgurat li fil-livell tal-Istati Membri mill-inqas 30 % tal-ispeċijiet u l-ħabitats li attwalment ma għandhomx status favorevoli jkunu f'dik il-kategorija jew juru xejra pożittiva b'saħħitha; jemmen, madankollu, li għandu jinkiseb status ta' konservazzjoni favorevoli għall-ispeċijiet u l-ħabitats protetti kollha skont id-Direttivi dwar l-Għasafar (57) u l-Ħabitats (58) malajr kemm jista' jkun; jisħaq li hemm obbligi eżistenti biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm deterjorament tal-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, flimkien mal-EEA, linja bażi ċara, biex jiġi żgurat rapportar armonizzat u regolari, u tindirizza n-nuqqasijiet fil-metodoloġija attwali għall-istimi tax-xejriet;

26.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità u l-kompletezza tas-sistemi ta' monitoraġġ tagħhom għan-network Natura 2000, inkluż monitoraġġ tal-effettività tal-ġestjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' korpi ta' ġestjoni speċjalizzati u ta' pjanijiet ta' ġestjoni tas-siti; ifakkar li skont il-briefing tal-EEA (59), l-istandards eżistenti dwar l-effettività tal-ġestjoni mhumiex magħrufa u mifhuma biżżejjed fost il-prattikanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu bini tal-kapaċitajiet aktar immirat u jipprovdu gwida aħjar dwar l-effettività tal-ġestjoni għall-valutazzjoni u t-titjib tal-ġestjoni ta' Natura 2000, inkluż permezz tal-użu ta' standards globali għal evalwazzjonijiet tal-effettività tal-ġestjoni taż-żoni protetti (PAME), bħal-lista Ekoloġika tal-IUCN ta' Żoni Protetti u Kkonservati; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida rigward il-ġestjoni adattiva dwar Natura 2000, li tinvolvi l-kunsiderazzjoni tal-impatti potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq l-ispeċijiet u l-ekosistemi;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-diversità ġenetika tal-ispeċijiet selvaġġi permezz ta' miżuri ta' konservazzjoni adegwati;

28.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Istati Membri ma laħqux l-objettiv għall-2020 ta' status ambjentali tajjeb għall-ibħra marini speċifikat fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-network tal-MPAs permezz ta' konnettività aħjar, ġestjoni mtejba, ippjanar aħjar tal-ispazju, u evalwazzjonijiet u infurzar sistematiċi;

29.

Jesprimi tħassib dwar l-istat tal-ekosistemi u l-ispeċijiet tal-ilma ħelu; jinnota li bejn l-1970 u l-2016, it-tnaqqis fl-Ewropa kien l-aktar serju fid-dinja bi 93 % (60);

30.

Jissottolinja li l-maġġoranza tal-bijodiversità terrestri tinsab fiż-żoni fforestati; jinnota li kien hemm titjib żgħir fl-istatus ta' konservazzjoni għal ftit tipi ta' foresti (61), iżda li l-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet tal-foresti koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura ma turi l-ebda sinjal sinifikanti ta' titjib (62); jisħaq li bejn l-2011 u l-2020, kważi terz tal-foresti tal-UE ġew ivvalutati li għandhom status ta' konservazzjoni ħażin (31 %) u aktar minn nofs ġew ivvalutati li għandhom status ta' konservazzjoni dgħajjef (54 %) (63);

31.

Jenfasizza l-istatus dgħajjef tal-Foresti Ewropej; jisħaq li f'xi reġjuni bijoġeografiċi, 5 % biss tal-ħabitats tal-foresti tal-Anness I għandhom status ta' konservazzjoni favorevoli (64); jissottolinja li l-Istrateġija għall-Bijodiversità tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda deterjorament fix-xejriet ta' konservazzjoni u fl-istatus tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti kollha; jinnota livelli sinifikanti ta' deterjorament ulterjuri tal-ekosistemi tal-foresti fi status ta' konservazzjoni mhux favorevoli fost il-maġġoranza tar-reġjuni bijoġeografiċi (65);

32.

Jinnota bi tħassib it-telfien sostanzjali ta' speċijiet u ħabitats tal-foresti rrapportat; ifakkar li ħames speċijiet tas-siġar tal-foresti huma estinti fis-selvaġġ, 42 speċi tas-siġar tal-foresti huma f'periklu kritiku u 107 speċijiet tas-siġar tal-foresti huma f'periklu fl-Ewropa;

33.

Iqis li huwa importanti u urġenti li tiġi żgurata protezzjoni stretta tal-foresti primarji u antiki kollha li fadal; jisħaq li l-proforestazzjoni li tippermetti lill-foresti naturali jikbru aktar hija kruċjali biex tiżdied l-erja tal-foresti antiki; jilqa' l-proċessi parteċipatorji li għaddejjin bħalissa għad-definizzjoni, l-immappjar u l-monitoraġġ ta' foresti primarji u antiki;

34.

Jissottolinja li l-foresti, speċjalment il-foresti primarji, huma ta' rilevanza partikolari għall-ħarsien tal-bijodiversità u jappella biex ikunu protetti; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu definizzjoni ta' foresti primordjali, li għandha titħejja mill-Kumitat Permanenti dwar il-Forestrija bħala parti mill-istrateġija futura tal-UE għall-foresti;

35.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-leġiżlazzjoni nazzjonali li ssaħħaħ il-protezzjoni kontra l-qtugħ illegali tas-siġar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jarmonizzaw id-data eżistenti, jeliminaw id-diskrepanzi fir-rigward tal-post ta' foresti primarji u antiki, joħolqu bażi tad-data tas-siti potenzjali kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-foresti antiki u primarji b'mod retroattiv fis-sena 2020 u jintroduċu moratorju temporanju fuq il-qtugħ tas-siġar għall-injam tas-siti rispettivi kollha biex tiġi evitata l-qerda tagħhom bi skop u biex jiġi żgurat legalment l-istatus tan-nuqqas ta' intervent ta' siti kkonfermati mingħajr dewmien;

36.

Jilqa' bis-sħiħ l-impenn li titfassal proposta leġiżlattiva li jmiss dwar il-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura, li jinkludi miri vinkolanti għar-restawr, u jtenni t-talba tiegħu għal mira ta' restawr ta' mill-inqas 30 % tal-art u l-ibħra tal-UE (66), li għandha tiġi implimentata b'mod sħiħ minn kull Stat Membru fit-territorju kollu tagħhom, fiż-żoni protetti u barra minnhom, abbażi tal-ħtiġijiet tal-bijodiversità u tal-ekosistemi li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tal-pajjiż; jisħaq li l-miri tar-restawr għandhom jibnu fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u li l-isforzi ta' restawr għandhom jappoġġjaw ir-riġenerazzjoni naturali sa fejn ikun possibbli;

37.

Iqis li minbarra mira ġenerali ta' restawr, il-proposta leġiżlattiva dwar il-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura għandha tinkludi miri speċifiċi għall-ekosistemi, għall-ħabitats u għall-ispeċijiet fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri abbażi tal-ekosistemi tagħhom, b'enfasi partikolari fuq l-ekosistemi għall-finijiet doppji tar-restawr tal-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jenfasizza li l-istrument għandu jinkludi foresti, bwar, artijiet mistagħdra, torbiera, dakkara, xmajjar bi fluss liberu, żoni kostali u ekosistemi tal-baħar; jisħaq li wara r-restawr, ma għandha titħalla ssir l-ebda degradazzjoni tal-ekosistema; jemmen li l-progress fir-rigward tal-għanijiet tar-restawr irid jiġi vvalutat regolarment kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE, inkluż permezz tal-użu ta' għanijiet intermedji lejn il-miri tal-2030;

38.

Jissottolinja li għandhom jiġu żviluppati inċentivi pożittivi u proċessi parteċipattivi biex jiżdied l-impenn għar-restawr tal-bijodiversità;

39.

Jenfasizza bis-sħiħ l-importanza li jiġu integrati bis-sħiħ l-objettivi tar-restawr tan-natura tal-UE f'politiki u strateġiji oħra relatati; itenni s-sejħa tiegħu għal miri vinkolanti dwar ir-restawr tal-foresti (67), inkluż biex tiżdied u terġa' tinkiseb il-konnettività bejn il-foresti; jitlob l-inklużjoni fil-pjan għar-restawr tan-natura tar-restawr ta' mill-inqas 25 000 km ta' xmajjar bi fluss liberu fl-UE bit-tneħħija tal-barrieri u r-restawr tal-pjanuri;

40.

Jesprimi dispjaċir kbir għat-tnaqqis tad-dakkara, li huma indikatur ewlieni tas-saħħa tal-ambjent; jisħaq li dan it-tnaqqis ifisser mhux biss telfien tal-bijodiversità iżda wkoll theddida għas-sigurtà tal-ikel; itenni l-pożizzjoni espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara u jitlob reviżjoni urġenti tal-inizjattiva; jissottolinja li l-inizjattiva riveduta għandha tinkludi qafas ġdid ta' monitoraġġ ta' dakkara madwar l-UE b'miżuri robusti, objettivi u indikaturi ċari marbuta maż-żmien, inklużi indikaturi tal-impatt, u l-bini meħtieġ tal-kapaċitajiet;

41.

Ifakkar fl-oġġezzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2019 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel (68) u jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-dokument ta' gwida tal-EFSA dwar in-naħal ma ġiex adottat b'mod formali mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-reviżjoni tad-dokument ta' gwida tal-EFSA dwar in-naħal u tal-atti ta' implimentazzjoni futuri tiżgura bħala minimu livell ugwali ta' protezzjoni għal dak stabbilit fl-2013, li jindirizza kemm it-tossiċità akuta u kronika kif ukoll it-tossiċità tal-larva, u tkopri wkoll id-dakkara selvaġġi; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza fil-proċess ta' rieżami; jinnota li l-EFSA qed tfassal is-sistema ta' mmudellar tagħha stess, l-ApisRAM, li hija mistennija li tkun aktar konformi mal-bijoloġija tan-naħal tal-għasel mill-BeeHAVE u inqas miftuħa għal kunflitti ta' interess;

42.

Jenfasizza l-importanza ta' karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità kbira f'żoni agrikoli għall-kontribut għall-bijodiversità u l-protezzjoni u r-restawr tad-dakkara, kif ukoll ir-rwol ta' dawk li jrabbu n-naħal; jisħaq li anke ż-żieda fl-ispazji ekoloġiċi fiż-żoni urbani tista' tikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet; jistieden lill-Istati Membri jinkludu miżuri mmirati lejn diversi gruppi ta' dakkara fl-abbozzi tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom;

L-ixprunaturi tat-telfien tal-bijodiversità

43.

Jissottolinja li l-azzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 iridu jindirizzaw b'mod adegwat il-ħames xprunaturi diretti ewlenin tal-bidla fin-natura: it-tibdil fl-użu tal-art u l-baħar, l-isfruttament dirett tal-organiżmi, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis, u l-IAS; jisħaq li l-kawżi sottostanti tal-bidla, jew il-kawżi indiretti, għandhom jiġu indirizzati wkoll, bħax-xejriet ta' produzzjoni u konsum mhux sostenibbli, id-dinamika tal-popolazzjoni, il-kummerċ, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u l-mudelli ta' governanza;

Bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar

44.

Jenfasizza li l-bijodiversità tal-ħamrija tipprovdi servizzi tal-ekosistema vitali u timmitiga t-tibdil fil-klima, u dan jagħmilha wieħed mill-aktar elementi importanti ta' bjar tal-karbonju terrestri; jinnota bi tħassib iż-żieda fid-degradazzjoni tal-ħamrija u n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar dan is-suġġett; jirrikonoxxi l-fatt li hemm xi dispożizzjonijiet f'liġijiet differenti li jikkontribwixxu b'mod indirett għall-protezzjoni tal-ħamrija, iżda jqis li dan irriżulta fi protezzjoni parzjali u governanza fframmentata ħafna fl-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' qafas komuni, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija u għall-integrazzjoni effettiva ta' dik il-protezzjoni fil-politiki rilevanti kollha tal-UE;

45.

Jisħaq li dan il-qafas komuni dwar il-ħamrija għandu jindirizza t-theddidiet ewlenin kollha għall-ħamrija, inklużi t-telfien tal-bijodiversità tal-ħamrija, it-telfien tal-materja organika tal-ħamrija, il-kontaminazzjoni, is-salinizzazzjoni, l-aċidifikazzjoni, id-deżertifikazzjoni, l-erożjoni u l-issiġillar tal-ħamrija; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi fih definizzjonijiet komuni, miri ċari u qafas ta' monitoraġġ; jappoġġja wkoll l-istabbiliment ta' mira speċifika għad-dekontaminazzjoni;

46.

Jissottolinja li ħamrija f'saħħitha, inklużi l-fertilità u l-istruttura, hija kruċjali għas-settur agrikolu; jindika l-impatt negattiv li l-prattiki mhux sostenibbli tal-biedja u tal-forestrija, it-tibdil fl-użu tal-art, l-attivitajiet tal-kostruzzjoni, l-issiġillar u l-emissjonijiet industrijali, fost l-oħrajn, għandhom fuq il-ħamrija; jisħaq li għandhom jiġu implimentati metodi ta' ħsad tal-foresti u agrikoli li jagħmlu inqas ħsara lill-ħamrija;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina d-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (69) u d-Direttiva 2006/21/KE (70) dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni sabiex tindirizza aħjar id-degradazzjoni tal-ħamrija kkawżata mill-attivitajiet industrijali u ta' estrazzjoni; ifakkar fit-talba tiegħu ta' mira ta' rkupru tal-materjali għall-ħamrija skavata (71);

48.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri – abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, u filwaqt li jitqiesu r-riskji u l-klima negattiva, l-impatti ambjentali u fuq il-bijodiversità involuti fil-fratturazzjoni idrawlika għall-estrazzjoni ta' idrokarburi mhux konvenzjonali – biex ma jawtorizzaw l-ebda operazzjoni ġdida tal-fratturazzjoni idrawlika fl-UE u biex itemmu l-operazzjonijiet eżistenti kollha;

49.

Ifakkar li l-UE impenjat ruħha li tikseb in-newtralità tad-degradazzjoni tal-art (72) sal-2030 fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), iżda li din il-mira x'aktarx ma tintlaħaqx, skont kif ġie konkluż mir-rapport speċjali tal-QEA (73); jesprimi dispjaċir għall-fatt li minkejja t-theddida li d-deżertifikazzjoni timponi għall-bijodiversità, il-fertilità tal-ħamrija, ir-reżiljenza naturali tal-art, il-produzzjoni tal-ikel u l-kwalità tal-ilma, u minkejja l-fatt li 13-il Stat Membru ddikjaraw huma stess li ġew affettwati mid-deżertifikazzjoni fl-ambitu tal-UNCCD, il-Kummissjoni mhijiex qed tindirizzaha b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkun aktar ambizzjuża u tippreżenta mingħajr dewmien strateġija fil-livell tal-UE dwar id-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art;

50.

Jinnota li fl-UE, l-urbanizzazzjoni u l-attivitajiet ta' rikreazzjoni jammontaw għal 13 % tal-pressjonijiet kollha rrapportati fuq in-natura, u 48 % tal-pressjonijiet marittimi kollha (74); jenfasizza li ż-żoni urbani ekoloġiċi u l-infrastruttura ekoloġika jistgħu jipprovdu servizzi tal-ekosistema biex jappoġġjaw il-bijodiversità u jikkontribwixxu għall-benesseri fiżiku u mentali tal-popolazzjoni;

51.

Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pjattaforma tal-UE għall-ekoloġizzazzjoni urbana; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri vinkolanti ambizzjużi speċifiċi għall-bijodiversità urbana, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema, u l-infrastruttura ekoloġika, li huma ta' benefiċċju kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-organiżmi selvaġġi u jikkontribwixxu għall-miri globali tal-bijodiversità; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri bħal sehem minimu ta' soqfa ekoloġiċi fuq binjiet ġodda, l-appoġġ għall-biedja urbana, inkluż l-użu ta' siġar tal-frott, fejn xieraq, filwaqt li jiġi żgurat li ma tintuża l-ebda pestiċida kimika u jitnaqqas l-użu tal-fertilizzanti fiż-żoni ekoloġiċi urbani tal-UE, u ż-żieda fl-għadd ta' spazji ekoloġiċi skont l-għadd ta' abitanti, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-ispazji ekoloġiċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-kurituri ekoloġiċi terrestri u marini fiż-żoni urbani, inkluż billi jiżviluppaw Network Trans-Ewropew għall-Infrastruttura Ekoloġika (TEN-G) marbut ma' Network Trans-Ewropew tan-Natura (TEN-N);

Sfruttament dirett tal-organiżmi

52.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-miri tal-2030 li jġibu tal-inqas 25 % tal-art agrikola taħt il-ġestjoni ta' azjendi agrikoli organiċi, li għandhom jiżdiedu fuq perjodu ta' żmien medju sa twil; jilqa' b'sodisfazzjon kbir, barra minn hekk, il-mira li jiġi żgurat li tal-inqas 10 % tal-art agrikola tkun tikkonsisti f'karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità kbira, li għandha tiġi implimentata f'livell xieraq biex tipprovdi konnettività ekoloġika għall-ħabitats madwar u bejn il-pajsaġġi agrikoli; jisħaq li ż-żewġ miri għandhom jiġu inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-UE u implimentati minn kull Stat Membru, anke fil-pjanijiet strateġiċi tal-politika agrikola komuni (PAK);

53.

Jinnota bi tħassib kbir li skont ir-rapport tal-QEA dwar il-bijodiversità agrikola, l-għadd u l-varjetà ta' speċijiet fl-art agrikola fl-UE qed jonqsu fuq bażi kontinwa; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 ma stabbilietx miri u azzjonijiet li jistgħu jitkejlu għall-agrikoltura, u dan għamilha diffiċli li jiġi vvalutat il-progress; ifakkar li t-traċċar tal-infiq tal-PAK għall-bijodiversità s'issa ma kienx affidabbli u li kien hemm nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-politiki u l-istrateġiji tal-UE, b'wieħed mir-riżultati ta' dan ikun li dawn ma jindirizzawx it-tnaqqis fid-diversità ġenetika (75); jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA dwar il-bijodiversità agrikola u tibni fuq it-tagħlimiet meħuda fl-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 (76);

54.

Jisħaq li l-bijodiversità hija kruċjali biex tiġi mħarsa s-sigurtà alimentari fl-UE; jenfasizza r-rwol importanti tas-settur agrikolu tal-UE fil-produzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa, sikur u affordabbli; jenfasizza li l-bdiewa għandhom rwol ewlieni x'jiżvolġu fis-suċċess ta' din l-istrateġija u li din għandha tkun allinjata mal-miżuri, l-objettivi u l-miri tal-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”;

55.

Iqis li huwa essenzjali li l-agrikoltura tal-UE tiġi ttrasformata biex issir sostenibbli u jiġu żgurati standards għoljin ta' trattament xieraq tal-annimali, f'konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika, b'użu minimu ta' inputs fossili u kimiċi u trattamenti antibijotiċi; jisħaq li l-agrikoltura għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità;

56.

Iqis li huwa kruċjali, fid-dawl tal-impatti soċjoekonomiċi potenzjali, li l-bdiewa jingħataw appoġġ, inkluż appoġġ ekonomiku, u taħriġ fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn sistemi agrikoli sostenibbli biex jiġu promossi prattiki agroekoloġiċi u prattiki sostenibbli innovattivi oħra; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiġi żgurat appoġġ finanzjarju definit sew u suffiċjenti, inkluż fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex jgħin sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, u jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jużaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK u l-komponenti ekoloġiċi tagħha għal dawn l-għanijiet filwaqt li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' benefiċċju għal kulħadd għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija biex tappoġġja ktajjen tal-valur lokali biex jintlaħqu l-miri proposti u jisħaq li n-negozji agrikoli fuq skala żgħira jirrikjedu appoġġ speċifiku biex jikkontribwixxu għall-istrateġija;

58.

Jilqa' r-rikonoxximent tal-biedja organika bħala wieħed mill-komponenti b'saħħithom fil-perkors tal-UE lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli, jiġifieri fir-rigward tat-tħassib dwar il-bijodiversità, u fil-kisba tal-objettivi tal-politika pubblika tal-iżvilupp ekonomiku, l-impjiegi rurali, il-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika; jisħaq fuq l-importanza tal-pjan ta' azzjoni Ewropew għall-biedja organika biex jiżdied l-użu tal-biedja organika;

59.

Jissottolinja li l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-ikel organiku jrid ikun akkumpanjat minn żviluppi xprunati mis-suq u mill-ktajjen tal-provvista u miżuri li jistimulaw id-domanda għall-ikel organiku, inkluż permezz tal-akkwist pubbliku u varjetà wiesgħa ta' miżuri ta' promozzjoni, riċerka, innovazzjoni, taħriġ u trasferiment tal-għarfien xjentifiku, bil-għan li tiġi appoġġjata l-istabbiltà tas-suq tal-prodotti organiċi u r-remunerazzjoni ġusta tal-bdiewa u l-promozzjoni tal-miżuri li jappoġġjaw lill-bdiewa organiċi żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp tal-katina tal-ikel organiku kollha sabiex ikun jista' jsir l-ipproċessar lokali u d-distribuzzjoni tal-prodotti organiċi tal-UE;

60.

Jinnota li l-Istati Membri se jikkontribwixxu b'mod differenti għal dawn il-miri madwar l-Unjoni skont il-livell tal-iżvilupp tas-settur organiku tagħhom u jitlob għalhekk li jiġu ddefiniti miri nazzjonali; jenfasizza li dawn il-miri mhux se jiġu ssodisfati mingħajr appoġġ finanzjarju b'saħħtu, programmi sodi ta' taħriġ u servizzi konsultattivi; jistieden lill-Istati Membri jfasslu l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom kif xieraq, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-Pjanijiet Strateġiċi jistgħu jissodisfaw dan il-kompitu;

61.

Ifakkar fl-importanza li jitħeġġeġ approċċ kollettiv u li jittieħed vantaġġ mill-effett multiplikatur tiegħu sabiex jiġu promossi l-azzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-intrapriżi assoċjati, bħal kooperattivi agroalimentari, fl-implimentazzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tal-bijodiversità b'mod kollettiv;

62.

Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li l-PAK għandu jkollha fil-protezzjoni u fil-promozzjoni tal-bijodiversità agrikola, flimkien ma' politiki oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-PAK ma kinitx effettiva biex treġġa' lura t-tnaqqis fil-bijodiversità li ilu għaddej għexieren ta' snin; ifakkar li l-produttività u r-reżiljenza agrikola jiddependu mill-bijodiversità, li hija essenzjali biex tiġi garantita s-sostenibbiltà u r-reżiljenza fit-tul tas-sistemi tal-ikel u tas-sigurtà tal-ikel tagħna; iqis li l-bidliet żgħar introdotti mid-diversi riformi tal-PAK ma bagħtux sinjal b'saħħtu lill-bdiewa biex jibdlu l-prattiki tagħhom u huwa tal-fehma li hija meħtieġa bidla sinifikanti bbażata fuq l-esperjenza u t-tbassir dwar il-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità;

63.

Itenni li l-PAK għandha tkun konsistenti bis-sħiħ mal-għanijiet akbar tal-UE dwar il-klima u l-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK biex jimplimentaw l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, inkluż dwar l-integrazzjoni ulterjuri ta' approċċi favur il-bijodiversità u agroekoloġiċi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu linji bażi ambizzjużi għas-sostenibbiltà u l-bijodiversità meta jistabbilixxu l-istandards ta' kundizzjonalità u jiżguraw l-iżvilupp ambizzjuż u mgħaġġel tal-miżuri u l-adozzjoni tagħhom, b'mod partikolari tal-iskemi ekoloġiċi u l-miżuri agroambjentali klimatiċi; jisħaq li għandhom jiġu allokati riżorsi finanzjarji adegwati għar-restawr; jistieden lill-Istati Membri jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal dawn l-għanijiet;

64.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-miżuri meħtieġa fir-rigward tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ b'diversità kbira, b'mod partikolari fl-ambitu tal-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-PAK, bl-użu pereżempju ta' ringieli ta' sġajriet jew biċċiet art ta' lqugħ, li għandhom jimmiraw ukoll li jippromwovu l-interkonnettività ekoloġika bejn il-ħabitats u l-ħolqien ta' kurituri ekoloġiċi;

65.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas ta' monitoraġġ fil-PAK, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' indikaturi aktar affidabbli biex jitkejlu l-impatti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni indipendenti tal-impatt aggregat mistenni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali ladarba jiġu approvati; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa meta din l-analiżi tqis li mhux isiru biżżejjed sforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħal li titlob lill-Istati Membri jemendaw il-pjanijiet strateġiċi tagħhom jew jirrieżaminaw ir-Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu;

66.

Jissottolinja l-importanza ta' dieti bilanċjati; iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' dieti tajbin għas-saħħa u bilanċjati, filwaqt li jintroduċu miżuri xierqa biex jgħinu lill-bdiewa f'din it-tranżizzjoni, billi jqisu kif xieraq il-ħtieġa li tiġi mħarsa s-sostenibbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli tal-UE;

67.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-produzzjoni agrikola u l-konsum qed jiffukaw dejjem aktar fuq firxa limitata ta' għelejjel, u fi ħdan din il-firxa, għadd limitat ta' varjetajiet u ġenotipi; jissottolinja li t-titjib u l-preservazzjoni tal-varjabbiltà ġenetika permezz ta' mezzi naturali huma kruċjali għall-promozzjoni tad-diversità tal-ekosistemi agrikoli u għall-preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi lokali, b'mod partikolari bħala repożitorju ta' soluzzjonijiet biex jiġu ffaċċjati l-isfidi ambjentali u klimatiċi; jenfasizza l-importanza tal-użu ta' razez u varjetajiet lokali li huma l-aktar adatti għall-ekosistemi lokali;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-iżvilupp tal-kontabbiltà tal-kapital naturali jistax jillimita u jirrazzjonalizza l-isfruttament tal-ekosistemi u l-impatt fuqhom, u għalhekk jikkontribwixxi għall-waqfien u t-treġġigħ lura tat-telfien tal-bijodiversità; jesprimi riżervi, madankollu, dwar il-fattibbiltà tal-kejl preċiż tal-valur tan-natura f'termini kwantitattivi u jisħaq li n-natura għandha valur intrinsiku; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva internazzjonali potenzjali tal-kontabbiltà tal-kapital naturali;

69.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw il-miżuri meħtieġa fl-ambitu tal-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom tal-PAK biex jippromwovu żoni rikki fil-bijodiversità, inklużi karatteristiċi tal-pajsaġġ, bil-għan li tinkiseb erja ta' mill-inqas 10 % taż-żoni b'diversità għolja li tkun ta' benefiċċju għall-bijodiversità, pereżempju ringieli ta' sġajriet, biċċiet ta' art ta' lqugħ, żoni fejn ma tintuża l-ebda kimika u art temporanjament mistrieħa, kif ukoll art agrikola estensiva ddedikata għall-bijodiversità fuq bażi fit-tul, u l-promozzjoni tal-interkonnettività bejn il-ħabitats u l-ħolqien ta' kurituri kemm jista' jkun ekoloġiċi sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal għall-bijodiversità;

70.

Jinnota li l-produzzjoni tal-fer, li tinvolvi l-konfinament ta' eluf ta' annimali mhux iddomestikati ta' ġenotip simili li jkunu qrib ħafna ta' xulxin f'kundizzjonijiet kronikament stressanti, tista' tikkomprometti b'mod sinifikanti t-trattament xieraq tal-annimali u żżid is-suxxettibbiltà tagħhom għall-mard infettiv inklużi ż-żoonożi, kif seħħ bil-COVID-19 fil-mink;

71.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-impenn tal-UE li tirrispetta bis-sħiħ ir-rendimenti massimi sostenibbli (MSY) sal-2020, objettiv ewlieni tal-politika komuni tas-sajd (PKS), ma ġiex issodisfat; jisħaq li l-popolazzjonijiet kollha tal-ħut għandhom jiġu rrestawrati għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' prekawzjoni u żgurat li juru età tal-popolazzjoni u distribuzzjoni tad-daqs li jindikaw stokk f'saħħtu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-irkupru sħiħ tal-ħabitats tal-baħar u tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward tal-MSY bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd mingħajr dewmien, biex itejbu s-selettività u s-sopravivenza ta' speċijiet mhux fil-mira, u jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar meta jiġi implimentat dan l-approċċ, inkluż billi jiġu limitati prattiki jew użi li għandhom impatti detrimentali;

72.

Ifakkar ukoll li, skont ir-Regolament il-ġdid dwar il-Miżuri Tekniċi (77), il-Kummissjoni jeħtiġilha tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2020, u li f'każijiet fejn ikun hemm evidenza li l-objettivi u l-miri ma jkunux intlaħqu, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-degradazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni billi tippreżenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż biex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar u jiġu kkonservati r-riżorsi tas-sajd; iqis li l-miżuri kollha, inkluża l-leġiżlazzjoni, għandhom jiġu adottati biex jitnaqqsu l-impatti negattivi potenzjali ta' attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet oħra fuq il-ħabitats tal-baħar;

74.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti żoni għall-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut jew żoni ta' projbizzjoni totali biex il-popolazzjonijiet tal-ħut ikunu jistgħu jirkupraw, inkluż f'żoni ta' tkabbir u ta' riproduzzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu pprojbiti l-attivitajiet kollha tas-sajd u attivitajiet estrattivi oħra fiż-żoni ta' projbizzjoni totali;

75.

Jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv ta' tolleranza żero għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU); jindika li s-sajd IUU għandu impatt estremament negattiv fuq l-istat tal-istokkijiet, l-ekosistemi tal-baħar, il-bijodiversità u l-kompetittività tas-sajjieda tal-UE; jitlob li jkun hemm konsistenza ikbar bejn il-politiki kummerċjali u l-politiki tas-sajd tal-UE sabiex jiġi żgurat li s-sajd IUU jiġi indirizzat b'mod effettiv;

76.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-kawżi kollha tat-telfien tal-bijodiversità tal-baħar, li jqis il-pressjoni tas-sajd fuq l-istokkijiet, il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, iżda wkoll fatturi oħra bħat-tniġġis, it-tibdil fil-klima, it-tbaħħir u l-użi kostali u ta' qrib ix-xatt, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ekosistema tal-attivitajiet kollha tas-sajd u ta' attivitajiet oħra tal-baħar, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-ekosistemi li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u għall-interazzjonijiet bejn il-predatur u l-priża;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' metodi ta' livell ogħla ta' trattament xieraq għall-qbid, il-ħatt u l-qtil tal-ħut abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli;

78.

Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-prattiki tat-trobbija tal-ħut ikunu sostenibbli u bbażati fuq livell għoli ta' trattament xieraq tal-ħut; jemmen li l-produzzjoni tal-akkwakultura għandha tkun ibbażata fuq metodi ta' produzzjoni sostenibbli, bħal metodi estensivi u l-użu tal-alka, il-bivalvi, sistemi ta' trobbija fil-vaski u l-akkwakultura tal-laguni, li jistgħu jipprovdu funzjonijiet u servizzi importanti tal-ekosistema, inkluża ż-żamma tal-ħabitats tal-artijiet mistagħdra, u jnaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi u l-bijodiversità, minbarra li għandhom inqas emissjonijiet tal-karbonju u jipprovdu nutriment; jesprimi tħassib dwar il-qbid tal-ħut għall-iskop uniku tat-tmigħ ta' ħut imrobbi karnivoru u jqis li din il-prattika tal-qbid tal-ħut għandha titwaqqaf gradwalment u tiġi sostitwita b'alternattivi sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi relatati mal-akkwakultura jkunu ċari u jkunu jistgħu jiġu implimentati bis-sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida tagħha dwar l-akkwakultura u ż-żoni ta' Natura 2000 jekk ikun meħtieġ;

79.

Jinnota bi tħassib li d-disturb fiżiku mifrux tal-qigħan tal-baħar għadu għaddej fl-ilmijiet tal-UE, b'mod partikolari bħala riżultat tat-tkarkir tal-qiegħ (78), li ġie identifikat mill-FAO bħala t-tip ta' rkaptu li l-aktar jikkontribwixxi għal-livelli annwali ta' rimi u li għandu impatt ta' ħsara kbira fuq qiegħ il-baħar, skont it-tip ta' sajd u l-partikolaritajiet taż-żoni mistada (79); ifakkar li t-tkarkir tal-qiegħ huwa wieħed mill-aktar tipi komuni ta' rkaptu tas-sajd fl-UE (80); ifakkar fir-rekwiżit eżistenti li s-sajd bi rkaptu tal-kuntatt mal-qiegħ 'l isfel minn 400 m jieqaf fiż-żoni fejn huwa magħruf li jeżistu jew fejn x'aktarx jeżistu ekosistemi vulnerabbli tal-baħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-Regolament (UE) 2016/2336 (81), inkluż fir-rigward tal-muntanji taħt il-baħar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, wara l-limitazzjonijiet fil-Mediterran (82), tillimita, fejn meħtieġ sabiex jiġu protetti l-ekosistemi kostali, l-użu tat-tkarkir tal-qiegħ f'żoni kostali oħra, inkluż fil-pjan ta' azzjoni li ġej tagħha għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, biex jiġu żgurati l-prattiki l-aktar sostenibbli u li jagħmlu l-inqas ħsara;

80.

jisħaq li l-pjanijiet ta' ġestjoni tas-sajd għandhom iqisu r-riżultati tal-istudji xjentifiċi dwar l-impatt tal-prattiki tas-sajd fuq l-ispeċijiet, il-ħabitats, il-bijodiversità tal-oċeani u l-ambjenti tal-baħar, u jikkontribwixxu b'soluzzjonijiet biex jissolvew l-impatti negattivi identifikati, inkluż billi jillimitaw l-użu tagħhom jew billi jintroduċu soluzzjonijiet tekniċi ġodda ta' mitigazzjoni; jisħaq ukoll li l-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet sensittivi għandhom jiġu eliminati jew imnaqqsa għal livell li jippermetti l-irkupru sħiħ u li l-ħsara lill-ħabitats f'qiegħ il-baħar għandha tiġi mminimizzata;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi definizzjoni ta' bastimenti tat-tkarkir kbar (super trawlers) u tikkunsidra miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tagħhom fl-ilmijiet tal-UE, b'mod partikolari l-projbizzjoni tal-attivitajiet tagħhom f'żoni protetti;

82.

Iqis li huwa essenzjali li tiġi stabbilita kooperazzjoni tajba ma' pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-viċinat, inkluża l-promozzjoni tal-monitoraġġ tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet mhux tal-UE b'mod ekwivalenti sabiex tiġi żgurata ekosistema f'saħħitha fil-ħabitats tal-baħar bejn il-fruntieri;

83.

Ifakkar li l-PKS u r-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd (83) jipprovdu lill-UE qafas regolatorju b'għodod speċifiċi għas-sajd; jesprimi l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà soċjoekonomika għas-sajjieda affettwati mit-tranżizzjoni lejn prattiki ekoloġiċi fl-ekonomija blu, inkluż dwar il-ħtiġijiet ta' taħriġ assoċjati; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawn l-għanijiet mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u minn Orizzont Ewropa;

84.

Jitlob lill-Kunsill jagħmel b'mod proattiv id-dokumenti kollha relatati mar-regolamenti adottati dwar il-qabdiet totali permissibbli disponibbli għall-pubbliku, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 640/2019/FP;

85.

Jirrakkomanda li tinġabar b'mod kontinwu data sabiex jiġu evalwati aħjar il-kriterji tas-sostenibbiltà u jiġi evitat li jiġu stabbiliti żoni tas-sajd fejn ikun instab li jeżistu ekosistemi tal-baħar vulnerabbli;

86.

Jinsisti li l-prijorità għaż-żoni protetti trid tkun il-konservazzjoni u r-restawr ambjentali u li l-ebda attività f'dawn l-oqsma ma għandha ddgħajjef dan l-għan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu l-attività umana ta' ħsara fl-MPAs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li s-sensittività tal-ispeċijiet u l-ħabitats għal pressjonijiet mill-bniedem fiż-żoni tal-baħar kollha tiġi indirizzata fil-pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali;

87.

Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ u tal-implimentazzjoni effettiva tal-MPAs eżistenti, speċjalment fil-hotspots tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu, bħala kwistjoni ta' prijorità, pjanijiet ta' ġestjoni speċifiċi għal dawn iż-żoni, billi tistabbilixxi objettivi ta' konservazzjoni ċari u miżuri effettivi ta' monitoraġġ, sorveljanza u kontroll; iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jħaffu l-iżvilupp u s-sottomissjoni ta' rakkomandazzjonijiet konġunti għall-ġestjoni tas-sajd fiż-żoni tal-baħar protetti tagħhom skont l-Artikolu 11 PKS; iqis li għandhom jitqiesu bis-sħiħ l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ispeċijiet tal-baħar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tressaq kriterji u gwida għall-ippjanar xieraq tal-ġestjoni tal-MPAs deżinjati, inkluż f'kurituri ekoloġiċi, abbażi tal-aħjar xjenza disponibbli, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħodd l-MPAs fil-miri internazzjonali biss ladarba jkunu ġestiti kif xieraq;

89.

Iqis li l-MPAs il-ġodda għandhom jiġu inklużi fil-qafas ta' Natura 2000 u jippromwovu l-konnettività ekoloġika;

90.

Jenfasizza li, meta jirnexxu, l-MPAs joffru benefiċċji soċjoekonomiċi konsiderevoli, speċjalment għall-komunitajiet kostali u għas-settur tas-sajd u tat-turiżmu, u li l-MPAs jistgħu jwettqu funzjonijiet ekoloġiċi ewlenin għar-restawr tal-istokkijiet tal-ħut u jtejbu r-reżiljenza tagħhom;

91.

Jissottolinja li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti trid tkun allinjata u konsistenti mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jenfasizza l-ħtieġa ta' Strateġija tal-UE olistika u konsistenti għall-Foresti li ssaħħaħ ir-rwol multifunzjonali tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresti fl-UE, u li tippromwovi l-benefiċċji kbar tal-foresti għall-ambjent, għas-soċjetà u għall-ekonomija b'rispett sħiħ tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni ċara tal-prijoritajiet, fejn il-protezzjoni u r-restawr tal-klima u l-bijodiversità jkunu l-objettivi ċentrali u interkonnessi fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti; jitlob li fil-pjan għar-restawr tan-natura jiddaħħlu miri vinkolanti speċifiċi għar-restawr u l-protezzjoni sussegwenti tal-ekosistemi tal-foresti, li għandhom jiġu inkorporati wkoll fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti; iqis li għandhom jitqiesu d-diversi ċirkostanzi fil-livelli lokali, reġjonali u tal-Istati Membri;

92.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti, jiġifieri li l-istrateġija għandha taġixxi bħala pont bejn il-politiki nazzjonali dwar il-foresti u l-agroforestrija u l-objettivi forestali u agroforestali tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi kemm il-ħtieġa li tiġi rispettata l-kompetenza nazzjonali kif ukoll il-ħtieġa li jingħata kontribut għall-objettivi usa' tal-UE; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tosserva l-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrikonoxxi l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent ifakkar li, skont l-Artikolu 191 TFUE, il-politika tal-UE dwar l-ambjent trid tikkontribwixxi, fost objettivi oħra, għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali; ifakkar li diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE jaffettwaw il-foresti u l-ġestjoni tal-foresti;

93.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw l-ogħla standards ta' protezzjoni ambjentali tal-foresti fil-politiki interni u esterni tagħhom;

94.

Jisħaq li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għandha tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b'mod bilanċjat għas-saħħa, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-lonġevità tal-ekosistemi forestali u l-preservazzjoni tar-rwol multifunzjonali tal-foresti; jinnota li s-salvagwardja u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħna huma kruċjali għall-benessri ġenerali tagħna, peress li huma l-kuntest li fih jitwettqu attivitajiet ta' interess pubbliku fil-qasam tad-divertiment u s-saħħa kif ukoll l-edukazzjoni, u jirrikonoxxi li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tippromwovi l-ħarsien tal-bijodiversità fl-UE; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li japplikaw id-definizzjoni u l-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

95.

Jissottolinja r-rwol tal-foresti fil-kontribut għall-miri klimatiċi tal-UE; iqis li għandha tingħata prijorità lill-użu ċirkolari u kaskata tal-foresti u riżorsi oħra tal-bijomassa li ma jikkompromettix l-azzjoni ta' protezzjoni u restawr sostnuta b'mod xjentifiku u lill-azzjoni klimatika; iqis l-użu tal-injam bħala materjal tal-bini bħala wieħed mill-eżempji tajbin;

96.

Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-miżuri ta' agroforestrija u afforestazzjoni tal-PAK u jinkoraġġixxi l-kontinwità tal-miżuri forestali, f'konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti;

97.

Jissottolinja l-importanza ta' ekosistemi forestali reżiljenti u b'saħħithom, inklużi kemm il-fawna kif ukoll il-flora, sabiex jinżammu u jissaħħu l-bosta servizzi ekosistemiċi pprovduti mill-foresti, bħal bijodiversità, arja nadifa, ilma, ħamrija b'saħħitha, injam u materja prima oħra; jirrimarka li l-għanijiet tal-UE għall-ambjent, il-klima u l-bijodiversità qatt mhu se jkunu jistgħu jintlaħqu mingħajr foresti u forestrija multifunzjonali, b'saħħithom u ġestiti b'mod sostenibbli u b'perspettiva fit-tul;

98.

Jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ koerenti li jlaqqa' flimkien il-ħarsien tal-bijodiversità u l-protezzjoni tal-klima ma' settur b'saħħtu bbażat fuq il-foresti u bijoekonomija sostenibbli;

99.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-użu tal-injam mill-foresti ġestiti b'mod sostenibbli u l-prodotti tal-injam biex jingħata kontribut għall-progress lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet ta' CO2 u l-iżvilupp tal-bijoekonomija ċirkolari;

100.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu riveduti u allinjati r-regoli tal-UE dwar l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija mal-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, b'mod partikolari bħala parti mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-atti delegati fl-ambitu tar-Regolament dwar it-Tassonomija;

101.

Jilqa' l-impenn li jitħawlu mill-inqas tliet biljun siġra addizzjonali fl-UE; jisħaq li l-inizjattivi ta' taħwil ta' siġar tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji ekoloġiċi ċari, il-proforestazzjoni, ir-riforestazzjoni sostenibbli, l-ekoloġizzazzjoni ta' żoni urban u periurbani, ir-restawr, it-tisħiħ tal-konnettività u l-agroforestrija, f'konformità mal-aħħar għarfien xjentifiku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-inizjattivi jitwettqu biss b'mod kompatibbli mal-objettivi tal-bijodiversità u li jwassal għalihom, filwaqt li tiżgura li dan it-tħawwil ma jissostitwixxix il-foresti antiki u bijodiversi eżistenti, u tikkontribwixxi biex tiżgura li l-foresti jkunu reżiljenti, imħallta u f'saħħithom;

102.

Ifakkar fil-pożizzjonijiet dettaljati fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta b'mod urġenti proposta għal qafas legali tal-UE bbażat fuq diliġenza dovuta obbligatorja li tiżgura li l-ktajjen ta' valur ikunu sostenibbli u li l-prodotti jew il-kommoditajiet imqiegħda fis-suq tal-UE ma jirriżultawx fid-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti, il-konverżjoni jew id-degradazzjoni tal-ekosistemi jew il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jew idderivati minnhom; jinnota li tali qafas legali tal-UE għandu jkun estiż ukoll biex ikopri ekosistemi b'ħażna għolja ta' karbonju u rikki fid-diversità apparti l-foresti, bħall-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, l-artijiet mistagħdra, it-torbieri jew is-savani, sabiex jiġi evitat li l-pressjoni tingħadda fuq dawn l-ambjenti;

103.

Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li jinħoloq qafas legali, primarjament fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li jippermetti l-projbizzjoni tal-kummerċ f'ċerti tipi ta' materja prima, prodotti u servizzi li jipperikolaw il-bijodiversità;

104.

Jisħaq li l-impronta ambjentali tal-produzzjoni u tal-konsum tal-UE għandha titnaqqas b'mod urġenti sabiex tibqa' fil-limiti tal-pjaneta; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti tal-UE għall-2030 biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-impronti tal-materjali u tal-konsum tal-UE u biex dawn jiġu fil-limiti tal-pjaneta sal-2050 (84); jappoġġja lill-Kummissjoni fit-teħid ta' approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja biex tkejjel l-impronta ambjentali tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet; iqis li l-produzzjoni u l-użu tal-plastik għandhom jitnaqqsu; jikkunsidra li l-attivitajiet ekonomiċi li jaffettwaw u jisfruttaw l-ekosistemi u l-bijodiversità tagħhom għandhom jinkorporaw is-salvagwardji kollha possibbli biex jiġi mmitigat l-impatt negattiv tagħhom fuq dawn l-ekosistemi;

Tibdil fil-klima

105.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-maġġoranza tal-meded ta' speċijiet terrestri se jonqsu b'mod sinifikanti f'xenarju tat-tisħin globali ta' bejn 1,5 u 2 oC u li l-ispeċijiet tal-baħar huma taħt theddida bl-istess mod, speċjalment peress li dawn iż-żidiet fit-temperatura x'aktarx se jinqabżu bit-trajettorji attwali; itenni, għalhekk, il-ħtieġa li jiżdiedu b'mod sinifikanti l-ambizzjonijiet tal-UE, jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u approċċi bbażati fuq l-ekosistema biex jintlaħqu l-għanijiet ta' mitigazzjoni tal-klima u fl-istrateġiji ta' adattament u biex tiżdied il-protezzjoni tal-bjar tal-karbonju naturali terrestri u marini fl-UE bħala miżura komplementari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-abbundanza u d-distribuzzjoni ġeografika tal-ispeċijiet, biex tqis din il-valutazzjoni meta timplimenta l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, u tgħin lill-Istati Membri jinkorporaw ir-riżultati fil-politiki nazzjonali tagħhom u fir-rappurtar futur skont id-direttivi dwar in-natura;

107.

Jenfasizza r-rwol essenzjali li għandhom l-ekosistemi tal-oċeani f'saħħithom fil-waqfien u fit-treġġigħ lura tat-telfien tal-bijodiversità u fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jitlob il-konservazzjoni u r-restawr tal-ħabitats tal-oċeani rikki fil-karbonju biex jittejbu l-ħżin tal-karbonju, il-protezzjoni tal-kosti u r-reżiljenza tal-ispeċijiet tal-baħar u tas-sajd għat-tibdil fil-klima; jitlob ukoll l-inklużjoni tagħhom f'MPAs ġestiti b'mod effettiv;

108.

Jistieden lill-Kummissjoni, wara l-adozzjoni tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima (85) u b'kunsiderazzjoni tar-rwol importanti tal-bjar tal-karbonju naturali fil-kisba tan-newtralità klimatika, tipproponi mira ambizzjuża tal-UE għall-2030 ibbażata fuq ix-xjenza għat-tneħħija tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn bjar tal-karbonju naturali, li għandha tkun konsistenti mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u tkun stabbilita fil-leġiżlazzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li tnaqqis rapidu tal-emissjonijiet irid jibqa' l-prijorità;

109.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista' jkun pjan ta' azzjoni tal-UE fit-tul dwar il-klima u l-bijodiversità, inkluż dwar il-miri rispettivi, li jtejjeb il-koordinazzjoni u jiżgura l-koerenza, is-sostenibbiltà u l-interkonnessjonijiet għal azzjonijiet futuri, u jinkludi l-impenji fl-ambitu tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 u l-Ftehim ta' Pariġi, il-kontributi tiegħu stabbiliti fil-livell nazzjonali u l-SDGs; jissottolinja l-importanza li jiġu kkoordinati b'mod formali, malajr kemm jista' jkun, il-monitoraġġ, ir-rapportar u r-rieżami tal-pjanijiet għall-klima u għall-bijodiversità; jenfasizza li ekosistemi reżiljenti u f'saħħithom huma kruċjali fl-indirizzar u fl-adattament għat-tibdil fil-klima u li għandhom jiġu żgurati sinerġiji bejn il-politiki dwar il-bijodiversità u l-klima fl-azzjonijiet fl-ambitu tal-Patt Klimatiku Ewropew;

110.

Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima; iqis li l-azzjonijiet meħuda fl-ambitu tal-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għandhom jiġu allinjati bis-sħiħ mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u mal-miżuri dwar il-prevenzjoni u t-tħejjija għal diżastri naturali fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni;

111.

Japprova, barra minn hekk, l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema kif iddefiniti fil-KDB, li joffru strateġija olistika għall-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-art, l-ilma u l-għajxien li tippromwovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli b'mod ekwu;

112.

Jisħaq li t-terminu “soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura” għandu jiġi definit aħjar u li din id-definizzjoni għandha tiżgura li l-bijodiversità u l-integrità tal-ekosistema ma jiġux kompromessi; jitlob, għalhekk, li tiġi żviluppata definizzjoni aktar ċara fil-livell tal-UE kif ukoll linji gwida u għodod dwar l-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura sabiex tiġi massimizzata l-konnettività tan-natura, kif ukoll il-benefiċċji u s-sinerġiji bejn il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

113.

Jinnota li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għadhom nieqsa f'ħafna strateġiji nazzjonali dwar il-klima; jemmen li pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati dwar is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura tista' tgħin issaħħaħ is-sinerġiji fost konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima u tappoġġja l-kisba tal-SDGs;

Tniġġis

114.

Jilqa' l-miri tal-Kummissjoni li tnaqqas l-użu ta' pestiċidi aktar perikolużi u kimiċi b'50 % u t-telfien ta' nutrijenti mill-fertilizzanti b'50 %, li jirriżulta fi tnaqqis fl-użu tal-fertilizzanti b'mill-inqas 20 % sal-2030, li kollha għandhom jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u riveduti għall-perjodu ta' wara l-2030 bil-ħsieb li jkompli jkun hemm tnaqqis u li jsiru impenji fit-tul; jitlob valutazzjoni effettiva ta' dawn il-miri abbażi ta' stadji importanti speċifiċi;

115.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji bażi ċari u ambizzjużi għal dawn il-miri u, flimkien mal-Istati Membri, tiddetermina għal kull Stat Membru kontributi ġusti għall-miri madwar l-UE kollha li jirriflettu l-punti ta' tluq u ċ-ċirkostanzi differenti tagħhom; jinsisti li kull Stat Membru għandu jimplimenta miżuri robusti biex jilħaq il-miri tiegħu;

116.

Huwa kontra l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tas-sustanza attiva tal-glifosat wara l-31 ta' Diċembru 2022; jistieden lill-Istati Membri kollha jwettqu l-ħidma preparatorja rilevanti biex jipprovdu lill-bdiewa kollha b'soluzzjonijiet alternattivi vijabbli wara l-projbizzjoni tal-glifosat;

117.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (86), u jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw it-talbiet kollha li hemm fiha mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-reviżjoni tagħha tal-miżuri ta' implimentazzjoni tal-qafas dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti dispożizzjonijiet li jappoġġjaw l-objettiv madwar l-UE tat-tnaqqis tal-pestiċidi, pereżempju billi jissaħħu u jiġu ċċarati l-kriterji ambjentali fil-kriterji għall-għoti ta' aċċess għas-suq lill-pestiċidi; jisħaq li meta l-EFSA tikkonkludi li hemm impatti inaċċettabbli fuq l-ambjent, ma għandhiex tingħata deċiżjoni ta' approvazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel id-data dwar ir-riskju regolatorju aktar trasparenti u aċċessibbli;

118.

Iqis li d-deroga prevista fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (87) għandha tiġi ċċarata u applikata biss għal raġunijiet ta' saħħa u għal raġunijiet ambjentali; jiddeplora l-fatt li din id-deroga qed tintuża biex tiġi mminata l-projbizzjoni fuq l-użi kollha ta' barra ta' tliet neonikotinojdi;

119.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza malajr ir-reviżjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (88), tinkludi fiha l-miri għat-tnaqqis tal-pestiċidi, u tieħu l-miżuri kollha biex tiżgura li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni tagħha, inkluż fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom;

120.

Jinnota li l-użu mifrux tal-pestiċidi jwassal għal reżistenza għall-pestiċidi, li hija problema sinifikanti li tagħmel il-pestiċidi inqas effettivi; jindika li ż-żieda fl-użu tal-pestiċidi u d-dipendenza minnhom għandhom prezz għoli għall-bdiewa; jinnota li biex jiġu evitati t-telfien tal-bijodiversità u r-reżistenza għall-pesti, għandha tiġi segwita ġerarkija tal-azzjoni, f'konformità mat-8 prinċipji tal-ġestjoni integrata tal-pesti inklużi fl-Anness III tad-Direttiva 2009/128/KE, li jipprevedu li l-pestiċidi kimiċi jridu jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju;

121.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-valutazzjoni tal-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq l-ambjent u l-bijodiversità għandha t-tendenza li tiġi ssottovalutata fl-analiżi soċjoekonomika matul il-proċess ta' awtorizzazzjoni fl-ambitu ta' REACH; huwa mħasseb dwar l-użu kontinwu u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi perikolużi b'impatti negattivi fuq l-ambjent jew f'każijiet ta' nuqqas ta' data dwar is-sikurezza fuq il-punti aħħarin ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala maniġer tar-riskji, tqis aktar l-impatti tas-sustanzi kimiċi, inklużi l-effetti kroniċi u fit-tul tagħhom, fuq l-ambjent u l-bijodiversità;

122.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw standards ugwali u kontrolli effettivi fuq il-prodotti agrikoli importati minn pajjiżi mhux tal-UE;

123.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi (89) biex jiġu inkorporati r-riskji għas-saħħa tal-annimali u dawk ambjentali bħala kriterji tal-leġiżlazzjoni;

124.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati biex tiżgura li, mill-bidu nett, il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-agrikoltura jirriflettu bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, li tinkludi livell ogħla ta' ambizzjoni biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-użu u r-riskji ta' pestiċidi kimiċi, kif ukoll l-użu ta' fertilizzanti u antibijotiċi; jenfasizza l-importanza li dawn il-miri jiġu segwiti b'modi olistiċi u ċirkolari, bħal permezz ta' approċċi agroekoloġiċi adottati bħall-produzzjoni integrata u l-biedja organika, inkluża n-newba tal-għelejjel; jisħaq ukoll fuq il-kontribut tal-agrikoltura ta' preċiżjoni, id-diġitalizzazzjoni u għodod oħra għat-tnaqqis u l-użu effiċjenti tal-pestiċidi, il-fertilizzanti u n-nutrijenti;

125.

Jenfasizza li sabiex jitnaqqas il-bżonn tal-pestiċidi u jinkiseb aktar tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi kimiċi u r-riskji assoċjati magħhom, il-bdiewa jeħtieġu sett ta' għodod akbar f'dak li għandu x'jaqsam ma' soluzzjonijiet u metodi alternattivi, effettivi, affordabbli u ambjentalment sikuri għall-protezzjoni tal-għelejjel; jissuġġerixxi li dan jista' jinkludi titjib fl-adozzjoni ta' tekniki ta' kontroll kulturali, fiżiċi u bijoloġiċi, pestiċidi ġodda u bijopestiċidi b'riskju baxx, tekniki ta' applikazzjoni aktar effettivi ffaċilitati minn għodod bħal biedja diġitali u ta' preċiżjoni, mudelli epidemjoloġiċi, firxa usa' u aħjar ta' għażliet għal varjetajiet reżistenti li jirrikjedu inqas inputs, u taħriġ imsaħħaħ fir-riċerka u l-innovazzjoni u s-sistemi konsultattivi, inkluż fil-prattiki tal-biedja agroekoloġika;

126.

Jissottolinja li s-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-foresti tal-UE jiżvolġu rwol importanti fil-protezzjoni u r-restawr tan-natura u jridu jkunu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jisħaq li l-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn appoġġ definit sew, programmi ta' taħriġ u sett ta' għodod ta' soluzzjonijiet u alternattivi sostenibbli, sikuri, effettivi u bi prezzijiet raġonevoli, kif ukoll aċċess għall-aħħar għarfien, teknoloġija u servizzi ta' konsulenza; jissottolinja, barra minn hekk, il-kontribut li jistgħu jagħtu l-inċentivi pożittivi u l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tal-istrateġija;

127.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 jiġu riflessi bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u fil-pjan ta' azzjoni li ġej ta' tniġġis żero, li għandhom jindirizzaw ukoll it-tniġġis tad-dawl u tal-istorbju, inkluż l-istorbju taħt l-ilma; jisħaq fuq l-importanza li t-tniġġis jiġi indirizzat fis-sors bħala prijorità filwaqt li jiġi żgurat l-użu tal-aqwa teknoloġiji disponibbli;

128.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira ambizzjuża għat-tnaqqis sal-2030 tal-użu tad-dawl artifiċjali ta' barra u tipproponi linji gwida dwar kif id-dawl artifiċjali bil-lejl jista' jitnaqqas mill-Istati Membri;

129.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 tinkludi miżuri ddedikati dwar it-tnaqqis tat-tniġġis b'impatt dirett fuq il-bijodiversità u s-saħħa, bħat-tniġġis tal-plastik, il-mikroplastik u s-sustanzi kimiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-azzjonijiet kollha tal-pjan ta' azzjoni l-ġdid għall-ekonomija ċirkolari u tal-leġiżlazzjoni relatata;

Speċijiet aljeni invażivi (IAS)

130.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-IAS joħolqu theddida serja għall-ambjent, l-għajxien u s-sigurtà tal-ikel, filwaqt li jagħmlu ħsara irriversibbli liż-żoni protetti u l-bijodiversità tagħhom, u li dan qed jiġi aggravat mit-tibdil fil-klima;

131.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-lista ta' Speċijiet Aljeni Invażivi ta' tħassib għall-Unjoni tirrappreżenta inqas minn 6 % tal-IAS preżenti fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-azzjoni u tiżgura li l-IAS li jaffettwaw l-ispeċijiet mhedda jkunu inklużi fil-lista; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ttejjeb il-prevenzjoni billi tintroduċi valutazzjonijiet tar-riskju obbligatorji qabel l-ewwel importazzjoni ta' speċijiet aljeni u billi tipproponi listi bojod madwar l-UE kollha ta' speċijiet li jistgħu jiġu importati, jinżammu, imnissla u jsir kummerċ tagħhom bħala annimali domestiċi fl-UE abbażi ta' valutazzjoni xjentifika tar-riskju u tal-karatteristiċi ekoloġiċi mill-aktar fis possibbli;

132.

Jenfasizza li l-kummerċ tal-annimali domestiċi eżotiċi huwa wieħed mill-mogħdijiet ewlenin għad-dħul tal-IAS u li minbarra dan, id-dħul tal-IAS huwa marbut ukoll ma' fatturi oħra ta' stress bħat-trasport fuq l-art u l-baħar u l-iskart fil-baħar; jitlob l-iżvilupp ta' miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE dwar il-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-IAS, inkluż it-tfassil ta' pjanijiet speċifiċi għal dawk li jaffettwaw speċijiet li huma f'periklu kritiku; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji biex jappoġġjaw il-prevenzjoni u jgħinu liż-żoni affettwati jindirizzaw l-IAS eżistenti u dawk li għadhom kif ġew introdotti;

133.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li speċi tal-baħar waħda biss ġiet inkluża fil-lista ta' Speċijiet Aljeni Invażivi ta' tħassib għall-Unjoni (90); jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dan in-numru baxx b'mod sproporzjonat ta' IAS tal-baħar biex jiġi żgurat l-allinjament xieraq mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 (91);

Il-finanzjament, l-integrazzjoni u l-qafas ta' governanza

134.

Jenfasizza li l-benefiċċji soċjali u ambjentali tal-prevenzjoni u tar-restawr jaqbżu l-ispejjeż tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni u r-reżistenza effettivi tal-bijodiversità fl-infiq kollu u fil-programmi kollha tal-UE abbażi tat-tassonomija tal-UE; jitlob li jiġi applikat b'mod effettiv il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fl-infiq kollu u fil-programmi kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni komprensiva ta' kif jistgħu jiġu mobilizzati mill-inqas EUR 20 biljun fis-sena meħtieġa għan-natura, tagħmel proposti korrispondenti għall-baġit annwali tal-UE u teżamina l-ħtieġa ta' strument ta' finanzjament dedikat għat-TEN-N; jinnota l-ftehim biex jiġi integrat l-infiq għall-bijodiversità b'7,5 % mill-2024 u 10 % mill-2026 'il quddiem; iqis li għandhom isiru sforzi biex jintlaħaq l-infiq annwali ta' mill-inqas 10 % fuq il-bijodiversità fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali mill-aktar fis possibbli mill-2021 'il quddiem; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied il-konsistenza bejn il-finanzjament għall-klima u l-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu azzjonijiet ta' bijodiversità fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jinsisti li l-infiq tal-UE relatat mal-bijodiversità għandu jiġi traċċat f'konformità ma' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

135.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex sal-2022 jivvalutaw liema sussidji jagħmlu ħsara lill-ambjent bil-għan li dawn jitneħħew b'mod gradwali mingħajr aktar dewmien; jitlob l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-inċentivi finanzjarji lejn investimenti pożittivi għall-bijodiversità u tas-sistemi ta' tassazzjoni lejn użu akbar tat-tassazzjoni ambjentali u tad-dħul ambjentali;

136.

Ifakkar fl-impenn tal-UE li tilħaq l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu s-sussidji indiretti u diretti kollha tal-fjuwils fossili mill-aktar fiss possibbli u sa mhux aktar tard mill-2025;

137.

Iqis li t-twaqqif gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili u ta' sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandu jiġi appoġġjat ukoll fuq livell globali permezz tal-politika kummerċjali tal-UE u d-diplomazija ekoloġika, inkluż permezz ta' ftehim dwar pjan direzzjonali bi stadji importanti għal kull sieħeb kummerċjali;

138.

Ifakkar li l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi stmat li l-gvernijiet fuq livell globali jonfqu madwar USD 500 biljun fis-sena fuq appoġġ li potenzjalment jagħmel ħsara lill-bijodiversità, jiġifieri minn ħames sa sitt darbiet aktar mill-infiq totali fuq il-bijodiversità (92);

139.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida u inċentivi ċari biex timmobilizza l-finanzjament privat għall-bijodiversità u biex tallinja l-investimenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ambizzjuż u li jħares 'il quddiem li jintegra l-miżuri leġiżlattivi u l-inċentivi finanzjarji kemm għas-settur pubbliku kif ukoll dak privat biex jiġu appoġġjati l-kisba tal-għanijiet u l-miri fl-ambitu tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 bħala parti mill-istrateġija mġedda li jmiss għall-finanzi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fir-rigward tal-akkwist korporattiv sostenibbli;

140.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-koerenza tal-politika u jallinjaw il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jitlob ukoll li jiġu rrispettati l-prinċipji kollha tat-trattati fil-politiki kollha tal-UE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas;

141.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas ta' governanza tal-bijodiversità legalment vinkolanti – liġi dwar il-bijodiversità – wara valutazzjoni tal-impatt komprensiva li jwitti t-triq għall-2050 permezz ta' sett ta' objettivi, inklużi miri għall-2030 u l-impenji tal-COP15, u li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ b'indikaturi SMART ġewwa ż-żoni protetti u lil hinn minnhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta legali għal dan il-għan fl-2022; jisħaq li l-iżgurar ta' riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti se jkun kritiku għall-governanza effettiva;

142.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-istabbiliment ta' panel xjentifiku Ewropew indipendenti dwar il-bijodiversità jew korp simili biex jivvaluta l-konsistenza tal-miżuri tal-UE mal-ambizzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u jagħmel rakkomandazzjonijiet ta' politika kif xieraq, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni potenzjali mal-politiki tal-EEA jew ta' korpi oħra tal-UE u internazzjonali;

143.

Ifakkar li l-Artikolu 37 tal-Karta jirrifletti l-prinċipju tal-iżgurar tal-protezzjoni ambjentali fil-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li d-dritt għal ambjent b'saħħtu għandu jiġi rikonoxxut fil-Karta u li l-UE għandha tmexxi l-inizjattiva biex jiġi rikonoxxut dritt simili fuq livell internazzjonali;

Riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni

144.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-bijodiversità fil-programmi taż-żgħażagħ tal-UE bħas-Servizz Volontarju Ewropew, u tniedi programm ta' Erasmus Ekoloġiku bħala parti mill-programm Erasmus globali ffukat fuq l-iskambju tal-għarfien, l-istudenti u l-professjonisti fil-qasam tar-restawr u l-konservazzjoni;

145.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim akbar dwar il-kompożizzjoni tal-bijodiversità, l-impatti tagħha fuq il-funzjonament tal-ekosistemi, u r-reżiljenza tal-ekosistemi; iqis li kemm ir-riċerka bażika kif ukoll dik applikata dwar il-bijodiversità għandhom jiżdiedu u jissottolinja li għandu jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal dan; jitlob l-inklużjoni tar-riċerka dwar il-bijodiversità fi programmi ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE differenti; itenni t-talbiet tiegħu għal missjoni speċifika ddedikata għall-bijodiversità fil-programm ta' riċerka tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa ta' żieda sostanzjali fil-finanzjament għar-riċerka pubblika;

146.

Jisħaq fuq l-importanza ta' aktar riċerka dwar ir-reġjuni bijoġeografiċi u t-tassonomija tal-organiżmi, kif ukoll dwar l-impatt tad-deforestazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità fuq is-servizzi essenzjali, bħall-provvista tal-ikel; jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-għarfien dwar ir-rabtiet bejn it-tfaċċar tal-mard fuq naħa u l-kummerċ legali u illegali tal-organiżmi selvaġġi, il-konservazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fuq in-naħa l-oħra;

147.

Jemmen bis-sħiħ li għandha ssir aktar riċerka dwar l-oċeani, minħabba li fil-biċċa l-kbira dawn għadhom mhux esplorati; jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward ikollha rwol ewlieni fid-Deċennju tan-NU tax-Xjenza tal-Oċean u ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Missjoni Starfish 2030: Restore our Ocean and Waters" (L-Istilla tal-Baħar 2030: Nirrestawraw l-Oċeani u l-Ilmijiet tagħna); iqis li għandu jiġi pprovdut ukoll finanzjament għall-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar fond;

148.

Jinkoraġġixxi r-riċerka dwar l-innovazzjoni, it-teknoloġiji u l-metodi u l-prattiki tal-produzzjoni agrikoli sostenibbli għall-bdiewa li jtejbu l-bijodiversità u s-saħħa tal-ekosistemi, inkluż dwar id-diġitalizzazzjoni, l-agroforestrija sostenibbli, l-alternattivi bijoloġiċi b'riskju baxx għall-pestiċidi kimiċi u l-agrikoltura ħielsa mill-pestiċidi;

149.

Iqis li sforzi akbar ta' riċerka għandhom ikopru wkoll l-impatti soċjali u ekonomiċi u l-opportunitajiet tal-politiki ta' konservazzjoni, il-bijodiversità tal-ħamrija u t-tidwib tal-glaċieri u tal-permafrost;

150.

Jilqa' l-ħolqien taċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Bijodiversità u tal-Osservatorju l-ġdid tal-UE tal-Ħamrija;

151.

Jissottolinja l-importanza li jiġu allokati riżorsi adegwati dwar il-ġbir tad-data u l-iżvilupp ta' indikaturi biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-bijodiversità fost il-partijiet ikkonċernati; jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni, tal-big data u tal-IA li jtejbu l-fehim u l-għarfien tagħna dwar il-bijodiversità;

152.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-isforzi ta' riċerka u innovazzjoni biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030;

153.

Jemmen li l-għarfien dwar l-ambjent għandu jkun parti integrali mill-edukazzjoni; jappoġġja l-istabbiliment ta' żoni protetti għal skopijiet edukattivi wkoll; jisħaq li x-xjenzi parteċipattivi u s-sensibilizzazzjoni għandhom jiġu appoġġjati, fost l-oħrajn biex juru lis-soċjetà l-ħtieġa li tiġi protetta u rrestawrata l-bijodiversità;

Qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020, azzjoni internazzjonali, kummerċ u governanza tal-oċeani

154.

Ifakkar fil-pożizzjoni espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-COP15 dwar il-bijodiversità u l-ħtieġa ta' ftehim multilaterali vinkolanti għal wara l-2020 simili għall-Ftehim ta' Pariġi biex it-telfien tal-bijodiversità jitwaqqaf u jitreġġa' lura sal-2030, b'miri u indikaturi SMART, qafas ta' implimentazzjoni robust u mekkaniżmu ta' rieżami indipendenti u trasparenti bbażat fuq ix-xjenza; jemmen li l-2021 tirrappreżenta mument ta' żvolta għall-bijodiversità fuq livell globali u li l-UE għandha taġixxi bħala mexxejja globali u tagħmel pressjoni għal livell għoli ta' ambizzjoni, li jaqbel ma' dak tagħha stess jew li jaqbżu, matul in-negozjati, inklużi miri ta' restawr u protezzjoni globali legalment vinkolanti ta' mill-inqas 30 % sal-2030; jilqa', f'dan ir-rigward l-impenn tal-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira għan-Natura u n-Nies li jiġu protetti 30 % tal-art u l-baħar madwar id-dinja; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġjati pajjiżi b'introjtu baxx fl-implimentazzjoni ta' dan il-qafas il-ġdid; jisħaq fuq l-importanza ta' impenji ulterjuri mis-settur privat għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità;

155.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni għal miri globali fit-tul ambizzjużi u ċari; itenni l-pożizzjoni tiegħu li fin-negozjati l-UE għandha potenzjalment titlob il-protezzjoni ta' nofs il-pjaneta sal-2050 (93);

156.

Jappoġġja l-iżvilupp ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fl-ambitu tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għal pandemiji futuri; jinnota li waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-workshop tal-IPBES dwar il-bijodiversità u l-pandemiji hija l-formazzjoni ta' kunsill intergovernattiv ta' livell għoli dwar il-prevenzjoni tal-pandemiji, li jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, inkluż billi jipprovdi informazzjoni xjentifika rilevanti għall-politika u jikkoordina t-tfassil ta' qafas ta' monitoraġġ, u li jistabbilixxi l-bażi għall-għanijiet potenzjali filwaqt li jaħdem fil-punt fejn jiltaqgħu t-tliet konvenzjonijiet ta' Rio; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu t-twaqqif ta' kunsill bħal dan fil-COP15, li għandu jaħdem f'sinerġija ma' korpi eżistenti bħad-WHO;

157.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati jitolbu rapport speċjali tal-IPCC dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima;

158.

Jinsab imħasseb dwar l-isfidi legali, ambjentali, tal-bijosikurezza u tal-governanza l-ġodda li jistgħu jirriżultaw mir-rilaxx ta' organiżmi b'gene drive modifikati ġenetikament fl-ambjent, inkluż għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura; jirrikonoxxi l-eżitu tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi Ad Hoc tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika dwar il-gene drives u l-ħut modifikat ħaj (94), li jqajjem tħassib dwar id-diffikultajiet tat-tbassir tal-imġiba tagħhom, il-valutazzjoni tar-riskji tagħhom u l-kontroll tagħhom wara r-rilaxx; jinnota li l-organiżmi b'gene drive jistgħu jsiru speċijiet invażivi huma stess; iqis li għandhom jiġu żviluppati bis-sħiħ materjali ta' gwida għall-valutazzjoni tar-riskju, għodod u qafas ta' monitoraġġ ambjentali fil-livell globali u f'dak tal-UE, kif ukoll governanza globali ċara u mekkaniżmi effettivi għall-kontroll u r-restawr tal-effetti tal-organiżmi b'gene drive, u li hija meħtieġa riċerka addizzjonali dwar l-implikazzjonijiet għas-saħħa, l-ambjent, ekoloġiċi, etiċi u implikazzjonijiet oħra tal-organiżmi b'gene drive biex jinftiehem aħjar l-impatt potenzjali tagħhom; iqis għalhekk li ma għandu jkun permess l-ebda rilaxx ta' organiżmi b'gene drive modifikati ġenetikament, inkluż għal skopijiet ta' konservazzjoni tan-natura, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni (95);

159.

Jenfasizza l-potenzjal tal-użu tad-diplomazija ekoloġika, il-politika kummerċjali u l-azzjoni multilaterali biex tiġi promossa l-protezzjoni tal-bijodiversità barra mill-Ewropa; jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-“Deċennju tal-UE tar-Restawr tal-Ekosistemi” (2021-2031) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità fl-azzjoni esterna kollha;

160.

Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi l-isforzi għal ftehim internazzjonali dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali biex nibqgħu fil-“limiti tal-pjaneta” għall-użu tar-riżorsi naturali;

161.

Jenfasizza li d-degradazzjoni tal-ekosistemi u l-istrapazz fuqhom qed jagħmlu ħsara lill-isforzi globali lejn l-iżvilupp sostenibbli u qed idgħajfu l-progress lejn il-kisba tal-parti l-kbira tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2030, b'mod partikolari l-objettivi diretti lejn il-qerda tal-faqar u l-ġuħ, il-garanzija ta' aċċess għall-ilma u s-sanitazzjoni, il-kisba tas-sigurtà tal-ikel, l-iżgurar ta' ħajjiet f'saħħithom u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fil-pajjiżi u bejniethom;

162.

Jisħaq li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali qed jinteraġixxu dejjem aktar mal-ixprunaturi tal-ispostament tal-bnedmin, peress li l-popolazzjonijiet qed jiġu spustati bil-forza minn djarhom minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni u d-diżastri ambjentali; jindika li, minħabba t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità, tali kriżijiet se jimmultiplikaw fid-deċennji li jmiss sakemm ma titteħidx azzjoni mgħaġġla u effettiva minn issa; jisħaq li l-UE jeħtiġilha tkun lesta għal spostament ikkawżat mit-tibdil fil-klima u spostament mid-degradazzjoni u d-diżastri ambjentali u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu miżuri adegwati biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjonijiet affettwati;

163.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita, b'mod partikolari, il-bini tal-kapaċitajiet, inklużi t-trasferiment tal-għarfien, il-kondiviżjoni tat-teknoloġija u t-taħriġ tal-ħiliet għall-pajjiżi benefiċjarji biex jimplimentaw il-KDB, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u konvenzjonijiet u ftehimiet oħra essenzjali għall-protezzjoni tal-bijodiversità fl-ambitu tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u tal-Għajnuna għall-Kummerċ; jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-programmi ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità nattiva tagħhom, inkluż djalogu interparlamentari, u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu assistiti fl-implimentazzjoni tagħhom; jitlob ukoll li tittejjeb il-ġestjoni konġunta tal-ekosistemi transkonfinali u tar-rotot migratorji u tal-ispeċijiet u li jitnaqqas il-potenzjal tat-trasferiment tar-riskji tat-telfien tal-bijodiversità għal partijiet oħra tad-dinja;

164.

Jilqa' inizjattivi bħall-“Ħajt il-Kbir l-Aħdar” Afrikan u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi simili għal reġjuni oħra u tappoġġja inizjattivi internazzjonali biex tiġi rrestawrata l-bijodiversità madwar id-dinja, filwaqt li jiġu estiżi Żoni tal-Bijodiversità Ewlenin mmirati lejn it-trawwim tar-reżiljenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għat-tibdil fil-klima; iqis li l-NDICI l-ġdid jista' jaġixxi bħala xprunatur importanti tal-bidla għar-restawr u l-preservazzjoni tal-bijodiversità madwar id-dinja; iqis li fl-NDICI l-ġdid għandu jintuża kontribut sostanzjali tal-baġit għar-restawr u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, biex jikkontribwixxi għall-mira ġenerali tal-integrazzjoni tal-bijodiversità;

165.

Jemmen li l-għarfien indiġenu u lokali huwa kruċjali biex tiġi protetta b'mod effettiv il-bijodiversità u jfakkar li r-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art jirrikonoxxi r-rwol kritiku li għandhom il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali fil-konservazzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu mal-komunità internazzjonali biex jirrikonoxxu l-kontribut tagħhom fil-protezzjoni tal-bijodiversità, jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom, u jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden ukoll lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989 (Konvenzjoni tal-ILO Nru 169);

166.

Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent biex tiġi żviluppata gwida dwar l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-ambjent, l-ekosistemi u l-bijodiversità; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw u jippromwovu l-implimentazzjoni globali tal-prinċipji qafas dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent tal-2018, ippreżentati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jitlob ukoll li l-UE tappoġġja l-inizjattiva dwar id-drittijiet ambjentali tal-Programm Ambjentali tan-NU;

167.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

168.

Jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni li tiżgura implimentazzjoni u infurzar sħaħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-bijodiversità fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE u li tevalwa aħjar l-impatti tagħhom fuq il-bijodiversità; jilqa' wkoll il-fatt li l-istrateġija kummerċjali l-ġdida titlob “integrazzjoni tal-politika aktar mill-qrib bejn il-politiki kummerċjali u l-politiki interni tal-UE”, u jirrikonoxxi li il-“preservazzjoni tal-bijodiversità hija sfida globali li teħtieġ sforzi globali” (96); jissottolinja li l-kontribut tal-kummerċ għat-telf drastiku tal-bijodiversità ġie indirizzat b'mod inadegwat kemm mill-istruttura tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) eżistenti kif ukoll mir-regoli attwali tad-WTO; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri speċifiċi u konkreti mingħajr dewmien biex tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma jikkawżawx jew jheddu li jikkawżaw telfien tal-bijodiversità, u biex il-politika kummerċjali tal-UE tkun allinjata b'mod effettiv mal-Istrateġija tagħha għall-Bijodiversità għal-2030;

169.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ġodda u futuri kollha jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-impenji tal-UE dwar il-bijodiversità u mal-SDGs, ikun fihom kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, u jinkludu salvagwardji u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta' konformità, inkluża l-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid it-tariffi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri simili fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha eżistenti;

170.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkluża b'mod sistematiku, flimkien mad-dimensjoni ekonomika u soċjali, dimensjoni tal-bijodiversità fil-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) kollha li jridu jsegwu metodoloġija aktar robusta minn qabel, kif issuġġerit minn studji disponibbli tal-Kummissjoni, u li jiġu kkunsidrati b'mod konsistenti l-kwistjonijiet tal-bijodiversità; jitlob li l-VIS jitwettqu bħala parti mill-fażi tal-eżerċizzju dwar l-ambitu dwar ftehimiet futuri ta' kummerċ ħieles u ta' investiment; jitlob li l-VIS jiġu aġġornati regolarment waqt li jkunu qed jiżviluppaw in-negozjati sabiex jidentifikaw, jivvalutaw u jindirizzaw b'mod adegwat ir-riskji possibbli għall-bijodiversità fir-reġjun ikkonċernat kif ukoll fl-UE kmieni kemm jista' jkun, u biex dawn il-valutazzjonijiet isawru l-impenji bilaterali rilevanti deskritti fin-negozjati;

171.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jinkludu pjan direzzjonali b'impenji konkreti u verifikabbli li abbażi tagħhom isir progress f'kapitoli oħra; jisħaq fuq l-importanza li jitwettqu b'mod sistematiku evalwazzjonijiet tas-sostenibbiltà u valutazzjonijiet tal-impatt ex post regolari tal-ftehimiet kummerċjali biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-impenji internazzjonali tal-UE dwar il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-kapitoli eżistenti tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment billi tagħmel użu minn klawżoli ta' rieżami attivi u f'waqthom biex tiżgura l-allinjament tal-FTAs eżistenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew mal-ewwel opportunità, u tippreżenta r-riżultati u l-aġġustamenti ppjanati tagħha lill-Parlament;

172.

Jitlob li fl-abbozz tal-mandat tiegħu għal ftehimiet futuri u meta jagħmel rieżami tal-ftehimiet attwali, il-Kunsill jagħmel il-KDB element essenzjali tal-FTAs dment li jintlaħaq qbil dwar mekkaniżmi obbligatorji għar-rieżami tal-miri nazzjonali; jitlob lill-Kunsill jagħmel ukoll is-CITES u l-Ftehim ta' Pariġi elementi essenzjali tal-FTAs, u jenfasizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom; jenfasizza l-importanza tar-riforma li jmiss tar-Regolament dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi biex tiġi prevista implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet multilaterali dwar aspetti tal-klima u l-ambjent koperti mir-regolament, inkluża l-KDB;

173.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prodotti importati jissodisfaw l-istess standards meħtieġa mill-produtturi Ewropej, sabiex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità, u jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi kundizzjonijiet indaqs madwar id-dinja u li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat l-ispostament potenzjali tat-telfien tal-bijodiversità lejn pajjiżi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi studju dwar l-effetti tal-esportazzjonijiet tal-UE u l-metodi ta' produzzjoni tagħhom fuq il-bijodiversità;

174.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tipprojbixxi l-esportazzjoni mill-UE ta' sustanzi perikolużi pprojbiti fl-UE, f'konformità mal-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara”, il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;

175.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fix-xewqa tagħha li, fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-kummerċ u l-ambjent, tqajjem u żżid is-sensibilizzazzjoni dwar interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-WTO li tirrikonoxxi d-dritt tal-membri li jipprovdu rispons effettiv għall-isfidi ambjentali globali, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità, speċjalment bl-użu ta' proċessi u metodi ta' produzzjoni mhux relatati mal-prodotti; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha taħdem biex tinkludi livelli vinkolanti ta' protezzjoni tal-bijodiversità fil-ħidma li jmiss dwar ir-riforma tad-WTO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni ta' għarfien espert dwar il-kummerċ u l-ambjent f'tilwim li jirriżulta minn kunflitti bejn l-impenji kummerċjali u l-eċċezzjonijiet għall-protezzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi din il-proposta fil-kuntest tal-inizjattiva tagħha dwar il-klima u l-kummerċ tad-WTO; jitlob analiżi profonda indipendenti tal-effetti tad-dispożizzjonijiet li jifdal dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istat u s-sistema ta' qorti tal-investiment fil-ftehimiet kummerċjali;

176.

Jesprimi dispjaċir għad-diskrepanzi fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-UE dwar il-Kummerċ tal-Organiżmi Selvaġġi peress li dawn ma jkoprux l-ispeċijiet kritiċi kollha u ma jipprovdux l-istess protezzjoni għall-annimali mrobbija fil-magħluq; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod konġunt il-kummerċ legali u illegali fir-rieżami tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi, li għandu jkun kompletament konformi mal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 u jirċievi finanzjament adegwat, inkluża l-assistenza lil pajjiżi mhux tal-UE u lil ċentri ta' salvataġġ u santwarji tal-organiżmi selvaġġi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-importazzjoni, it-trasbord, ix-xiri u l-bejgħ ta' organiżmi selvaġġi meħuda, ipproċessati, ittrasportati jew mibjugħa bi ksur tal-liġijiet tal-pajjiż ta' oriġini jkunu pprojbiti;

177.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmexxu l-isforzi biex jintemm il-kummerċ ta' speċijiet fil-periklu u l-partijiet tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati miri SMART għal dan il-għan; itenni t-talba tiegħu għall-projbizzjoni sħiħa u immedjata fil-livell Ewropew, tan-negozju kummerċjali, l-esportazzjoni jew l-esportazzjoni mill-ġdid ġewwa l-UE u lejn destinazzjonijiet barra mill-UE tal-avorju (97), inkluż l-avorju “ta' qabel il-konvenzjoni”, filwaqt li jirrimarka li għandha tibqa' l-possibbiltà ta' eċċezzjonijiet limitati għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet xjentifiċi, għal strumenti mużikali akkwistati legalment qabel l-1975 u għall-kummerċ f'artifatti u antikitajiet prodotti qabel l-1947, dment li dawn ikunu akkumpanjati minn ċertifikat validu, u jitlob restrizzjonijiet simili għal speċijiet oħra fil-periklu, bħat-tigri u r-rinoċeronti; jitlob l-implimentazzjoni ta' projbizzjoni bħal din mingħajr dewmien ulterjuri fl-2021;

178.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu lill-komunità globali fl-indirizzar tar-riskji marbuta mal-kummerċ u l-bejgħ ta' annimali selvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-djalogi regolatorji previsti fl-FTAs biex tippromwovi l-istandards sanitarji u fitosanitarji stretti tal-UE u t-trattament xieraq tal-annimali sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta' epidemiji u pandemiji futuri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra, jekk ikun meħtieġ, l-adozzjoni ta' moratorju fuq l-importazzjonijiet ta' annimali selvaġġi jew speċijiet oħra minn hotspots ta' mard infettiv emerġenti sabiex tindirizza kwalunkwe tħassib dwar is-sikurezza;

179.

Jinnota bi tħassib kbir li t-tniġġis tal-plastik tal-baħar żdied b'għaxar darbiet mill-1980, u affettwa b'mod dirett mill-inqas 267 speċi u s-saħħa tal-bniedem; jesprimi tħassib dwar it-tniġġis ikkawżat mill-mikroplastiċi u min-nanoplastiks u dwar l-impatt tagħhom fuq il-bijodiversità tal-baħar; jissottolinja l-ħtieġa ta' sinerġiji bejn il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

180.

Jitlob lill-UE tmexxi negozjati għal ftehim globali dwar il-plastik, inkluż dwar oċeani ħielsa mill-plastik sal-2030, b'miri vinkolanti;

181.

Jieħu nota tan-nuqqas tal-membri tad-WTO li jikkonkludu n-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd sal-aħħar tal-2020; jesprimi dispjaċir kbir għan-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-impenn fl-ambitu tal-SDGs (SDG 14.6) li jiġu eliminati b'mod gradwali s-sussidji tas-sajd dannużi sal-2020; jappoġġja t-talba għal ftehim globali għall-projbizzjoni ta' sussidji tas-sajd dannużi; jitlob, għalhekk, lill-UE tiżvolġi rwol aktar prominenti fin-negozjati u lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-dispożizzjonijiet tas-sajd fil-ftehimiet kummerċjali jkunu konsistenti mal-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;

182.

Jisħaq li l-oċeani għandhom ikunu rikonoxxuti fil-livell internazzjonali bħala riżorsa komuni globali bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom; jistieden ukoll lill-UE tistinka għall-adozzjoni ta' trattat globali ambizzjuż dwar l-oċeani biex tipproteġi l-bijodiversità tal-baħar f'oqsma li jmorru lil hinn mill-ġuriżdizzjoni madwar id-dinja fis-sessjoni li jmiss tal-Konferenza Intergovernattiva dwar il-Bijodiversità Lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali u għal panel intergovernattiv dwar l-oċeani;

183.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinkiseb qafas integrat tal-politika marittima tal-UE li jiżgura l-konsistenza bejn il-bijodiversità tal-baħar, il-politika dwar il-klima u l-PKS;

184.

Jenfasizza li jitqies li l-baħar fond għandu l-akbar bijodiversità fuq id-Dinja u jipprovdi servizzi ambjentali kritiċi, inkluż is-sekwestru fit-tul tal-karbonju; jindika li l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar x'aktarx li tikkawża telfien inevitabbli u permanenti tal-bijodiversità; jisħaq li l-prinċipju ta' prekawzjoni jrid japplika għas-settur emerġenti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani (98) u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu moratorju, inkluż fl-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar, fuq l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar sal-mument li l-effetti tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar fuq l-ambjent tal-baħar, il-bijodiversità u l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar ikunu ġew studjati u riċerkati biżżejjed u l-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar tkun tista' tiġi ġestita biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda telfien ta' bijodiversità tal-baħar u lanqas degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tieqaf tiffinanzja l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-estrazzjoni minerarja minn fond il-baħar f'konformità ma' ekonomija ċirkolari bbażata fuq il-minimizzazzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-minerali u l-metalli;

185.

Itenni t-talba tiegħu (99) lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu permezz tal-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar sabiex jiżguraw it-trasparenza fil-metodi ta' ħidma tagħha kif ukoll il-protezzjoni effettiva tal-ambjent tal-baħar minn effetti dannużi u l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, kif meħtieġ skont il-Partijiet XI u XII tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, u jistieden lill-Istati Membri jassumu rwol proattiv u progressiv fil-korpi internazzjonali sabiex iressqu riformi ta' trasparenza u jżidu l-ambizzjoni ambjentali ġenerali tal-azzjonijiet imwettqa;

186.

Jinnota l-importanza kritika tal-popolazzjonijiet tal-balieni għall-ekosistemi tal-baħar u s-sekwestru tal-karbonju; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkomplija tal-moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u l-projbizzjoni fuq in-negozju kummerċjali internazzjonali tal-prodotti tal-balieni (100); jesprimi dispjaċir għall-irtirar tal-Ġappun mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC); iħeġġeġ lin-Norveġja u lill-Ġappun iwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom għall-kaċċa tal-balieni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jħeġġu lill-IWC tindirizza formalment l-attivitajiet kummerċjali tal-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja;

187.

Jistieden lill-Gżejjer Faeroe jwaqqfu l-kaċċa annwali kontroversjali tagħhom fuq il-balieni suwed, magħrufa wkoll bħala l-Grindadràp; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod kontinwu mal-Gżejjer Faeroe dwar din il-kwistjoni bil-għan li tiġi abolita l-prattika;

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura

188.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod aktar malajr, effettiv u trasparenti, inkluż permezz tas-segwitu regolari tal-każijiet, issegwi proċeduri ta' ksur biex tirrimedja l-każijiet kollha ta' nuqqas ta' konformità, u biex sal-2022 ittejjeb il-bażi tad-data pubblika tagħha sabiex il-passi meħuda mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni b'reazzjoni għal ksur fir-rigward tal-ambjent jiġu traċċati b'mod li jinftiehem b'mod ċar u aċċessibbli; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni talloka riżorsi suffiċjenti sabiex jingħeleb id-dewmien attwali; jemmen li livell suffiċjenti ta' persunal kwalifikat u riżorsi huwa kruċjali għall-implimentazzjoni u l-infurzar b'suċċess tal-politiki tal-UE;

189.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod aktar speċifiku, issegwi malajr il-proċeduri ta' ksur dwar każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, filwaqt li tikkollabora ma' organizzazzjonijiet Ewropej oħra bħall-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), u dwar in-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (101) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (102) sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti biex jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb għall-ibħra u l-ilmijiet Ewropej;

190.

Jistieden lill-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, iħaffu l-implimentazzjoni u l-infurzar, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri jaġġornaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-bijodiversità u jissottomettu rapporti ta' implimentazzjoni biennali lill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u tirrieżamina l-istrateġija jekk ikun meħtieġ;

191.

Jisħaq li l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri kollha huma importanti wkoll biex jiġi pprovdut qafas regolatorju stabbli u trasparenti għall-partijiet ikkonċernati, inklużi l-operaturi ekonomiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030 bl-aktar mod effettiv, filwaqt li jevitaw il-piżijiet amministrattiv bla bżonn;

192.

Jemmen li l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali jeħtieġ li tissaħħaħ fl-Istati Membri u bejn il-fruntieri tagħhom; iqis li hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri tal-UE li jipprevjenu l-effettività tal-liġi dwar ir-reati ambjentali; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali (103) sabiex tindirizza dawn id-differenzi; jitlob li l-kriminalitajiet u r-reati ambjentali, bħas-sajd IUU, u l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi jiġu rikonoxxuti bħala reati serji li għandhom jiġu ppenalizzati b'mod adegwat b'deterrenti qawwija, speċjalment fil-kuntest tal-kriminalità organizzata; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li żżid protokoll dwar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

193.

Jenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà f'każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni jew ħsara lill-ambjent; jitlob li d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (104) tiġi riveduta mill-aktar fis possibbli u tinbidel f'regolament armonizzat bis-sħiħ;

194.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri ambjentali u l-attivisti, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjawhom madwar id-dinja;

195.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija speċifika ta' protezzjoni u appoġġ għall-komunitajiet lokali u d-difensuri tad-drittijiet ambjentali tal-bniedem u tad-drittijiet tal-art, li għandha tiġi koordinata fil-programmi kollha ta' assistenza esterna; jappella wkoll għal appoġġ imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' sħubijiet u l-bini tal-kapaċitajiet biex jiġu difiżi d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali;

196.

Itenni li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw il-konservazzjoni taż-żoni ta' Natura 2000 u ż-żamma jew ir-restawr tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti għal status ta' konservazzjoni favorevoli; jitlob li d-Direttiva dwar il-Ħabitats tiġi implimentata bis-sħiħ filwaqt li tallinja l-azzjonijiet ta' konservazzjoni mal-aktar progress tekniku u xjentifiku reċenti; huwa konxju dwar il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-koeżistenza tat-trobbija tal-bhejjem ma' karnivori kbar f'xi Stati Membri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati biex jindirizzaw il-kunflitti soċjoekonomiċi marbuta mal-koeżistenza ma' predaturi kbar, bħal miżuri preventivi u ta' kumpens, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom; jinnota l-eżistenza ta' linji gwida ċari għall-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, f'konformità mad-Direttiva 92/43/KEE, inkluż dwar l-ibridizzazzjoni tal-ilpup;

197.

Jissottolinja li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġija tiddependi mill-involviment tal-atturi u s-setturi rilevanti kollha; jissottolinja l-ħtieġa li dawn l-atturi u s-setturi jiġu involuti u inċentivati biex imexxu 'l quddiem l-għanijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030; jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma għall-partijiet ikkonċernati għad-diskussjoni ma' bosta partijiet ikkonċernati u komunitajiet rappreżentati u tiżgura tranżizzjoni inklużiva, ekwa u ġusta; jemmen li din il-pjattaforma għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva u rappreżentattiva tal-komunitajiet u tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

198.

Jisħaq li huwa essenzjali għar-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju li jintegra rekwiżiti li jkopru kemm rekwiżiti tal-klima kif ukoll dawk tal-bijodiversità;

o

o o

199.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0212.

(3)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(4)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0015.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

(7)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 130.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0285.

(9)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.

(10)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 123.

(11)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 30.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2020)0201.

(13)  Testi adottati, P9_TA(2020)0241.

(14)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

(15)  Karlsruher Institut für Technologie, “Climate change exacerbates biodiversity loss: Post-2020 biodiversity targets will have to consider global warming” (It-tibdil fil-klima jaggrava t-telfien tal-bijodiversità: Il-miri tal-bijodiversità għal wara l-2020 se jkollhom iqisu t-tisħin globali), ScienceDaily, Rockville, 2020.

(16)  Summary for policymakers of the IPBES Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-IPBES).

(17)  State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).

(18)  Il-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità.

(19)  Daszak, P. et al., Workshop Report on Biodiversity and Pandemics (Rapport tal-Workshop dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji), il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi, Bonn, 2020.

(20)  Ibid.

(21)  Durant, O., Natural Medicine: Past to Present, University College of London, Londra, 2018.

(22)  Ir-rapport tal-EEA tat-23 ta' Novembru 2020 bit-titolu “An introduction to Europe's Protected Areas” (Introduzzjoni għaż-Żoni Protetti tal-Ewropa).

(23)  Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas (L-effettività tal-ġestjoni fin-network taż-żoni protetti ta' Natura 2000 tal-UE).

(24)  ten Brink, P. et al., Natura 2000 – Jobs Scoping Study (Executive summary), Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea, Brussell, 2017.

(25)  Ibid.

(26)  Ir-Rapport Speċjali tal-QEA tal-21 ta' Frar 2017 bit-titolu “Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-network Natura 2000 jiġi implimentat”.

(27)  Ir-rapport tal-FAO tal-20 ta' Mejju 2018 intitolat “Why Bees Matter” (Għaliex huma Importanti n-Naħal).

(28)  Testi adottati, P9_TA(2019)0104.

(29)  IPBES Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi) tal-31 ta' Mejju 2019.

(30)  Leclère, D. et al., “Bending the curve of terrestrial biodiversity needs an integrated strategy”, Nature, Vol. 585, Nature Research, Londra, 2020, pp. 551–556.

(31)  Ir-Riżoluzzjoni tat-28 ta' April 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (testi adottati, P9_TA(2021)0143).

(32)  Ir-Rapport Speċjali tal-QEA bit-titolu “Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis”.

(33)  Ir-rapport tal-EEA bi-titolu “The European environment – state and outlook 2020: knowledge for transition to a sustainable Europe” (L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020: għarfien għat-tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli).

(34)  Bar-On, Y.M., Phillips, R. and Milo, R., “The biomass distribution on Earth”, Proceedings of the National Academy of Sciences of the United States of America, Vol. 115, Nru 25, Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi, Washington, D.C., 2018.

(35)  Ir-Rapport Speċjali tal-QEA bit-titolu “Ambjent tal-Baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita”.

(36)  L-artikolu tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Forestrija sostenibbli: Il-MPE jridu jiġġieldu d-deforestazzjoni”.

(37)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “L-istat tal-konservazzjoni tan-natura fl-Unjoni Ewropea – Rapport dwar l-istatus tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u x-xejriet osservati tul il-perjodu 2013-2018” (COM(2020)0635).

(38)  , it-tnaqqis tal-foresti antiki u ċerti metodi tal-ġestjoni tal-foresti bħat-tqaċċit totali tas-siġar;

(39)  Ir-rapport tal-FAO u tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tat-22 ta' Mejju 2020 bit-titolu “The State of the World's Forests – Forests, biodiversity and people” (L-Istat tal-Foresti tad-Dinja – Il-foresti, il-bijodiversità u n-nies).

(40)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa' lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha.

(41)  Ir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ix-Xjenza għall-Politika tat-13 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Mapping and Assessment of Ecosystems and their Services: An EU ecosystem assessment” (L-Immappjar u l-Valutazzjoni tal-Ekosistemi u s-Servizzi tagħhom: Valutazzjoni tal-ekosistema tal-UE) (suppliment) u l-inizjattiva BEST tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent (skema volontarja għall-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE u fil-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej).

(42)  L-inizjattiva BEST.

(43)  Summary for policymakers of the IPBES Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika tar-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-IPBES).

(44)  IPBES, Global Assessment Report on Biodiversity and Ecosystem Services (Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi) u Global Biodiversity Outlook 5 (Il-5 Perspettiva Globali dwar il-Bijodiversità).

(45)  Ir-Rapport tal-EEA tal-25 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Marine messages II: Navigating the course towards clean, healthy and productive seas through implementation of an ecosystem-based approach” (Messaġġi marini II: It-triq lejn ibħra nodfa, f'saħħithom u produttivi permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema).

(46)  Ir-Rapport Speċjali tal-IPCC tal-24 ta' Settembru 2019 dwar l-Oċeani u l-Krijosfera fi Klima li Qed Tinbidel.

(47)  Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent, Deskrittur 10: Skart fil-Baħar.

(48)  Ibid.

(49)  Ir-rapport tal-EEA bit-titolu "State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).

(50)  Ir-Rapport tal-Workshop tal-IPBES tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità u l-Pandemiji.

(51)  Ibid.

(52)  Ir-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent tas-6 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Preventing the next pandemic – Zoonotic diseases and how to break the chain of transmission” (Il-prevenzjoni tal-pandemija li jmiss – Il-mard żoonotiku u kif nistgħu nwaqqfu l-katina tat-trażmissjoni).

(53)  In-nota tal-kunċett tripartitiku tal-FAO-OIE-WHO ta' April 2010 dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet globali biex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa fl-interfaċċji bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ekosistemi.

(54)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Il-bini ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa” (COM(2020)0724).

(55)  Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 2020 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (COM(2020)0727).

(56)  ir-Rakkomandazzjoni tal-IUCN tal-10 ta' Settembru 2016 bit-titolu “Protected areas and other areas important for biodiversity in relation to environmentally damaging industrial activities and infrastructure development” (Żoni protetti u żoni oħra importanti għall-bijodiversità fir-rigward ta' attivitajiet industrijali u żvilupp tal-infrastruttura li jagħmlu ħsara lill-ambjent).

(57)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(58)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(59)  Il-briefing tal-EEA bit-titolu "Management effectiveness in the EU's Natura 2000 network of protected areas (L-effettività tal-ġestjoni fin-network taż-żoni protetti ta' Natura 2000 tal-UE).

(60)  l-istqarrija għall-istampa tal-Fondazzjoni Dinjija għall-Migrazzjoni tal-Ħut tat-28 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Massive decline in migratory freshwater fish populations could threaten livelihoods of millions, warns new report” (Tnaqqis kbir fil-popolazzjonijiet tal-ħut tal-ilma ħelu migratorji jista' jhedded l-għajxien ta' miljuni, iwissi rapport ġdid).

(61)  State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).

(62)  Ir-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-Rieżami ta' Nofs il-Mandat dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijdoversità sal-2020" (COM(2015)0478).

(63)  State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).

(64)  Reġjun bijoġeografiku boreali b'4,84 % u l-Atlantiku b'4,94 % fi status favorevoli, f'konformità mad-data (2019) irrapportata skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-perjodu 2013-2018

(65)  Data (2019) irrapportata skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-perjodu 2013-2018

(66)  Ir-riżoluzzjoni dwar il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

(67)  Ir-Riżoluzzjoni dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja.

(68)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel (testi adottati, P9_TA(2019)0041).

(69)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(70)  Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE – Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

(71)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (testi adottati, P9_TA(2021)0040).

(72)  In-newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art ġiet iddefinita mill-Partijiet għall-UNCCD bħala: Stat fejn l-ammont u l-kwalità tar-riżorsi tal-art, meħtieġa biex jiġu appoġġjati l-funzjonijiet u s-servizzi tal-ekosistemi u biex tittejjeb is-sigurtà tal-ikel, jibqgħu stabbli jew jiżdiedu fl-iskali u l-ekosistemi temporali u spazjali speċifikati.

(73)  Ir-Rapport Speċjali tal-QEA tat-18 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali”.

(74)  State of Nature in the EU – Results from reporting under the nature directives 2013-2018 (L-Istat tan-Natura fl-UE – Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018).

(75)  Ir-Rapport Speċjali tal-QEA tal-5 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis”.

(76)  Idem.

(77)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(78)  Ir-rapport tal-EEA bit-titolu “Marine Messages II” (Messaġġi Marini II), paġna 34.

(79)  Id-Dokument Tekniku tal-FAO dwar is-Sajd u l-Akkwakultura tad-19 ta' Frar 2019 bit-titolu “A third assessment of global marine fisheries discards” (It-tielet valutazzjoni tar-rimi globali marbut mas-sajd marittimu).

(80)  Ir-Rapport Speċjali tal-QEA bit-titolu “Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis”.

(81)  Ir-Regolament (UE) 2016/2336 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi għas-sajd tal-istokkijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal u dispożizzjonijiet għas-sajd fl-ilmijiet internazzjonali tal-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 1).

(82)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u r-Regolament (KE) Nru 973/2001 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(83)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(84)  Ir-Riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari.

(85)  Ftehim proviżorju Proposta dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (COM(2020)0080 – C9-0077/2020 – 2020/0036(COD)).

(86)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 48.

(87)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(88)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(89)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(90)  Tsiamis, K. et al., “Prioritizing marine invasive alien species in the European Union through horizon scanning”, Aquatic Conservation – Marine and Freshwater Ecosystems, Vol. 30, Nru 4, John Wiley & Sons Ltd, Chichester, 2020.

(91)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

(92)  Ir-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ta' April 2020 bit-titolu “A Comprehensive Overview of Global Biodiversity Finance” (Ħarsa Ġenerali Komprensiva lejn il-Finanzi Globali għall-Bijodiversità).

(93)  Ir-Riżoluzzjoni dwar il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

(94)  Ir-Rapport tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi Ad Hoc tal-KDB tal-15 ta' April 2020 dwar il-valutazzjoni tar-riskju.

(95)  Ibid.

(96)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021, bit-titolu “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” (COM(2021)0066).

(97)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi (ĠU C 224, 27.6.2018, p. 117).

(98)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2018 bit-titolu “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030” (ĠU C 458, 19.12.2018, p. 9).

(99)  Ir-Riżoluzzjoni dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani.

(100)  Ir-Riżoluzzjoni dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja.

(101)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(102)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(103)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(104)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).


Il-Ħamis 10 ta’ Ġunju 2021

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/56


P9_TA(2021)0282

Il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka (2021/2671(RSP))

(2022/C 67/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (1) (ir-Regolament Finanzjarju),

wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida dwar l-evitar tal-kunflitti ta' interess u l-ġestjoni tagħhom skont ir-Regolament Finanzjarju (2),

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (4),

wara li kkunsidra l-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka mwettqa mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bejn is-26 u s-27 ta' Marzu 2014 u bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020,

wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Novembru 2019 dwar l-awditu tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess fiċ-Ċekja, imwettaq mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana (REGIO) u tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (EMPL), li ġie ppubblikat fit-23 ta' April 2021,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (5),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt, u b'mod partikolari l-Kapitolu għall-Pajjiżi dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fiċ-Ċekja (SWD(2020)0302),

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Konformità Interim tar-Raba' Serje ta' Evalwazzjonijiet dwar ir-Repubblika Ċeka tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) adottat mill-GRECO fl-84 laqgħa plenarja tiegħu f'Diċembru 2019,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Pajjiż tal-2020 dwar iċ-Ċekja tas-26 ta' Frar 2020 (SWD(2020)0502) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2020: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet dettaljati skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2020)0150),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit,

A.

billi l-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE dwar ir-regoli tal-akkwist pubbliku dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess, l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għal fondi ta' ġestjoni kondiviża, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Att Ċek Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess kif emendati fid-29 ta' Novembru 2016 jistabbilixxu obbligi speċifiċi u jipprovdu għodod biex jindirizzaw b'mod effettiv sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess;

B.

billi Agrofert hija konglomerat imwaqqfa u stabbilita mill-Prim Ministru Ċek Andrej Babiš u tikkonsisti f'aktar minn 230 kumpanija; billi ġie żvelat li l-Prim Ministru Babiš huwa wieħed mis-sidien benefiċjarji ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert, inkluż fost l-oħrajn għadd ta' entitajiet tal-media Ċeki importanti, permezz tal-fondi fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II, li huwa wkoll is-sid benefiċjarju tagħhom;

C.

billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għaddej minn AGRI qed jeżamina l-allegati kunflitti ta' interess fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni fiċ-Ċekja;

D.

billi f'April 2021 il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni debitament riveduta tar-rapport finali tal-awditjar dwar l-implimentazzjoni legali tal-Fondi SIE kif ivverifikat mid-DĠ EMPL u mid-DĠ REGIO; billi t-tieni rapport tal-awditjar mid-DĠ AGRI għadu ma ġiex ippubblikat;

E.

billi r-rapport tal-awditjar ippubblikat jenfasizza nuqqasijiet serji fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll (6) fir-Repubblika Ċeka u nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati permezz ta' korrezzjonijiet finanzjarji;

F.

billi r-rapport tal-awditjar tad-DĠ REGIO identifika tliet għotjiet fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li kisru l-liġi Ċeka u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-UE;

G.

billi l-investigazzjoni kriminali dwar il-Prim Ministru Babiš, li oriġinat mir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għal negozji żgħar, li inizjalment ingħalqet u mbagħad infetħet mill-ġdid u li kienet is-suġġett tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ġunju 2020, għadha għaddejja;

H.

billi wara sena l-Kummissjoni għadha ma tatx tweġiba komprensiva għat-talba tal-Parlament biex jiġi kkwantifikat l-ammont totali ta' sussidji riċevuti minn entitajiet tal-grupp Agrofert;

I.

billi wara r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament ta' Diċembru 2018 u Ġunju 2020 dwar il-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš u aktar minn sentejn wara l-bidu tal-awditi tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni marbuta mal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš għadha ma ġietx solvuta;

J.

billi ġestjoni finanzjarja tajba tista' tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f'konformità mal-liġi, kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE, u jekk imġiba kriminali ħażina li toriġina minn każijiet ta' kunflitt ta' interess li ma jkunux ġew trattati b'mod xieraq tiġi segwita b'mod effettiv minn servizzi investigattivi u ta' prosekuzzjoni;

K.

billi skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 in-nuqqas li jiġi żgurat li m'hemmx kunflitti ta' interess jista' jkun indikattiv ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt;

L.

billi li jkun hemm stabbiliti politiki u regoli dettaljati dwar l-evitar u l-ġestjoni ta' kunflitti u ta' kunflitti ta' interess perċepiti huwa parti essenzjali għal governanza tajba u għal ġestjoni finanzjarja tajba;

M.

billi l-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fi Frar 2020 żvelat limitazzjonijiet fil-qafas legali li jimpedixxu l-ħidma effiċjenti u effettiva tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar nazzjonali billi jżommuh milli jivverifika r-regolarità u l-prestazzjoni tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali jew iwettaq kontrolli fuq il-post tal-benefiċjarji finali;

1.   

Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-awditjar mid-DĠ REGIO u mid-DĠ EMPL dwar il-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fiċ-Ċekja, wara t-talbiet ripetuti mill-Parlament, li jikkonferma l-kunflitt ta' interess attwali u kontinwu tal-Prim Ministru Babiš fir-rigward tal-konglomerat ta' Agrofert, u b'hekk jikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa f'riżoluzzjonijiet u rapporti ta' kwittanza preċedenti;

2.   

Jilqa' l-fatt li d-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL jirrikonoxxu l-interess pubbliku importanti fit-trasparenza u l-informazzjoni dwar din is-sitwazzjoni eċċezzjonali bħala raġunijiet raġonevoli għall-pubblikazzjoni; jesprimi dispjaċir madankollu għall-fatt li s-sejbiet ġew ippubblikati biss f'April 2021 minkejja li r-rapport finali tal-awditjar intbagħat lill-awtoritajiet Ċeki f'Novembru 2019 u li l-Kummissjoni rċeviet tweġibiet f'Mejju 2020; iħeġġeġ lid-DĠ AGRI jħaffef il-proċedura u s-segwitu tal-awditjar tiegħu, u jippubblika r-rapport finali tal-awditjar tiegħu mingħajr dewmien żejjed; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-pagamenti magħmula lill-kumpaniji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Prim Ministru Babiš jew ta' membri oħra tal-Gvern Ċek;

3.   

Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-proċeduri ta' awditjar u dawk kontradittorji, kif ukoll il-proċeduri dwar l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja, bħalissa huma mifruxa fuq bosta snin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tal-proċeduri ta' awditjar u ta' korrezzjoni finanzjarja biex tippermetti konklużjonijiet aktar f'waqthom u l-irkupru tal-fondi tal-UE indebitament imħallsa; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippubblika d-dokumenti kollha relatati mal-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Ċek;

4.   

Huwa mħasseb ħafna bis-sejbiet tar-rapport tal-awditjar li juru li:

Il-Fondi SIE ngħataw bla bżonn lil entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert,

Il-Prim Ministru huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert Holding u minn Frar 2017 tal-Fondi Fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II, li huwa jikkontrolla, billi jżomm interess ekonomiku dirett fis-suċċess ta' Agrofert,

Il-Prim Ministru Babiš kien involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka, u kien f'pożizzjoni li jeżerċita influwenza fuq korpi bħall-Kunsill tal-FSIE u l-Awtorità Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin kien involut f'deċiżjonijiet li jaffettwaw il-grupp Agrofert,

Il-proġetti identifikati ngħataw bi ksur tal-Artikolu 4c tal-Att Ċek rivedut dwar il-Kunflitt ta' Interess, kif ukoll tar-Regolament Finanzjarju tal-UE,

Matul il-perjodu awditjat l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tas-Sur Babiš bħala Prim Ministru, President tal-Kunsill tal-FSIE, Ministru tal-Finanzi u Deputat Prim Ministru għall-Ekonomija ġie kompromess;

5.   

Jinnota li mill-1 ta' Ġunju 2021 l-Att Ċek Nru 37/2021 SB. dwar ir-Reġistrazzjoni tas-Sidien Benefiċjarji Aħħarin finalment ittraspona fil-liġi nazzjonali l-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, li tirrikjedi l-istabbiliment ta' reġistri disponibbli pubblikament għall-kumpaniji, għat-trusts u għal arranġamenti legali oħra; ifakkar li l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' din id-direttiva kienet skadiet fl-10 ta' Jannar 2020; jikkritika bil-qawwa l-fatt li ċ-Ċekja ttrasponiet il-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus b'dewmien kbir; jinnota li l-Prim Ministru Babiš ilu elenkat fir-reġistru Ċek tas-sidien bħala “sid indirett reali” ta' Agrofert mill-1 ta' Ġunju 2021; jikkritika bil-qawwa d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ċek, li tiddikjara li s-sussidji jistgħu jkomplu jitħallsu lil Agrofert minkejja l-fatt li Andrej Babiš huwa elenkat bħala s-sid benefiċjarju ta' Agrofert fiċ-Ċekja;

6.   

Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' Stat Membru, issa kkonfermat bil-pubblikazzjoni, fit-23 ta' April 2021, tar-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-awditu tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess fir-Repubblika Ċeka, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi indirizzat bis-sħiħ billi:

a)

jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-Prim Ministru Babiš ma jibqa' jkollu l-ebda interess ekonomiku jew interessi oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE jew tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess fir-rigward tal-grupp Agrofert; jew

b)

jiġi żgurat li l-entitajiet kummerċjali taħt il-kontroll tal-Prim Ministru Babiš ma jibqgħu jirċievu l-ebda finanzjament mill-fondi tal-UE, mis-sussidji pubbliċi jew mill-finanzjament imqassam mil-livelli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi madwar l-UE; jew

c)

jiġi żgurat li l-Prim Ministru Babiš u l-membri tal-gvern tiegħu jastjenu bis-sħiħ milli jipparteċipaw fi kwalunkwe proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE li jista' jikkonċerna direttament jew indirettament l-interessi tal-grupp Agrofert; jisħaq madankollu li, fid-dawl tal-funzjonijiet u tas-setgħat tal-Prim Ministru u tal-membri tal-gvern tiegħu, jidher li huwa dubjuż li miżura bħal din tista' tindirizza b'mod adegwat il-kunflitt ta' interess fil-prattika, jekk il-persuni kkonċernati jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi tagħhom, u li r-riżenja mill-pożizzjoni pubblika għalhekk tikkostitwixxi mezz aktar adegwat biex tindirizza bis-sħiħ il-kunflitt ta' interess;

7.   

Jilqa' t-tħabbira li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jwettaq investigazzjoni imparzjali u bbażata fuq il-fatti fir-rigward tal-kunflitt ta' interess; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni maħruġa mill-uffiċċju tal-prosekutur responsabbli li skontha l-kawża “tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' ġuriżdizzjoni obbligatorja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew stabbilit dan l-aħħar skont ir-Regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, li lilu trid tiġi trażmessa mingħajr dewmien”;

8.   

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li s-sejbiet tal-awditjar jikkonfermaw l-eżistenza ta' nuqqasijiet sistemiċi serji fil-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll u b'mod partikolari fis-sejba ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora li l-ineffettività tal-kontroverifiki u l-proċessi u l-istrutturi mhux trasparenti jfixklu l-affidabbiltà ta' kwalunkwe prevenzjoni u sejbien ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka;

9.   

Jinsab imħasseb ħafna li anke wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 61 u 63 tar-Regolament Finanzjarju fl-2018, in-nuqqas tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll – fir-rigward tal-evitar ta' kunflitt ta' interess – għadu jeżisti u li l-awtoritajiet Ċeki għadhom jieħdu azzjoni żgħira u insuffiċjenti biex jiżguraw il-konformità;

10.   

Jiddeplora t-tentattivi rrappurtati mill-Gvern Ċek biex jillegalizza l-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš permezz ta' liġi, proposta fil-bidu tal-kriżi tal-COVID f'Marzu 2020 minflok ma jsolvi l-kunflitt ta' interess innifsu;

11.   

Jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha mitluba, bil-għan, fost affarijiet oħra, li jtejbu s-sistema ta' ġestjoni u kontroll u jivverifikaw l-għotjiet kollha mogħtija wara d-9 ta' Frar 2017 li jistgħu jiksru l-Att dwar il-Kunflitt ta' Interess;

12.   

Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar mill-Gvern Ċek, b'mod partikolari rigward l-iskrutinju tal-fondi kollha mogħtija lill-grupp Agrofert li ma kinux parti mill-kampjun ta' awditu;

13.   

Jinsab imħasseb ħafna bid-dgħufijiet tal-qafas regolatorju ġenerali, li jagħmluha diffiċli li jiġu identifikati sistematikament is-sidien benefiċjarji ta' entitajiet li jirċievu fondi tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fl-ambitu tal-PAK lil kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji oħra li s-sid benefiċjarju tagħhom huwa l-Prim Ministru Babiš f'diversi Stati Membri oħra, iżda mhijiex kapaċi tidentifika b'mod eżawrjenti l-operaturi ekonomiċi kollha li bbenefikaw; jinsisti li l-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ħarsa ġenerali kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-kumpaniji tal-grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi wkoll informazzjoni għas-sena 2020; iqis li dan juri l-ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali, toħroġ b'format standardizzat u aċċessibbli għall-pubbliku biex tiżvela l-benefiċjarji finali tal-iżborżi tal-PAK;

14.   

Jinnota l-korrezzjoni reċenti fir-rekords tar-reġistru tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji (Transparenzregister), li issa jelenka l-Prim Ministru Babiš bħala benefiċjarju u azzjonist ta' sussidjarja ta' Agrofert fil-Ġermanja; itenni li l-Prim Ministru Babiš huwa elenkat bħala wieħed minn sitt persuni attivi b'influwenza sinifikanti jew b'kontroll fuq it-trustees ta' trust relatat mas-sussidjarja ta' Agrofert bl-isem GreenChem Solutions Ltd. fir-Renju Unit; jistieden lill-Istati Membri kollha li fihom is-sussidjarji ta' Agrofert huma attivi biex jirrieżaminaw ir-reġistru tas-sjieda benefiċjarja f'dan ir-rigward;

15.   

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li entitajiet tal-grupp Agrofert għadhom jirċievu pagamenti fl-ambitu tal-ewwel pilastru tal-PAK; ifakkar li l-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess jipprojbixxi li jingħata kwalunkwe sussidju, inklużi pagamenti diretti tal-PAK, lil kumpanija li fiha uffiċjal pubbliku jew entità kkontrollata minn uffiċjal pubbliku jkollha sehem ta' 25 % jew aktar; jisħaq fuq id-dubji serji dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet Ċeki li jiddeċiedu dwar l-eliġibbiltà u l-kontroll tal-pagamenti agrikoli diretti; jidentifika indikaturi tar-riskju fil-fatt li l-kumpaniji li huma parti mill-grupp Agrofert jibqgħu jirċievu dawn il-fondi bi ksur tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess;

16.   

Jinnota li l-leġiżlazzjoni Ċeka eżistenti dwar il-kunflitti ta' interess li ilha stabbilita mill-2006 kellha lakuni serji u nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni, li ppermettew t-twaqqif u t-tkabbir ta' strutturi oligarkiċi profondi; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-missjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fi Frar 2020 skopriet nuqqasijiet serji fis-sistemi għall-evitar, l-iskoperta u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti ta' interess fiċ-Ċekja;

17.   

Jinsab sorpriż bl-approċċi li jidhru differenti għal ksur simili tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess u l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju mid-DĠ REGIO u EMPL u mid-DĠ AGRI; filwaqt li d-DĠ REGIO u EMPL iqisu li ksur tal-Att Ċek dwar il-Kunflitt ta' Interess jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 61(2) tar-Regolament Finanzjarju, id-DĠ AGRI ma jidhirx li japplika l-istess loġika; jinnota, barra minn hekk, li l-kontrolli tal-eliġibbiltà tal-pagamenti bbażati fuq l-intitolamenti (pagamenti diretti) jinkludu wkoll element tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-verifika; jenfasizza li din id-deċiżjoni ta' verifika tista' tiġi influwenzata minn kunflitt ta' interess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bi spjegazzjoni legali dettaljata dwar l-impatt differenti tal-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kunflitt ta' interess u l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, u tinkludi spjegazzjoni dettaljata dwar kif il-Kummissjoni tiżgura li d-deċiżjonijiet ta' verifika għall-pagament ibbażat fuq l-intitolamenti ma kinux affettwati minn kunflitt ta' interess;

18.   

Jinsab sorpriż bl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ministru Ċek għall-Agrikoltura mhuwiex f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess minkejja li l-membri tal-familja tiegħu jirċievu ammonti sostanzjali ta' sussidji agrikoli filwaqt li huwa responsabbli għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta' programmi agrikoli fl-ambitu tal-PAK; jitlob lill-Kummissjoni taqsam din l-evalwazzjoni mal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju;

19.   

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju biex tipprevjeni jew tiżvela u ssolvi b'suċċess każijiet ta' kunflitt ta' interess meta jseħħu, u, kif xieraq, tagħmel proposti fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju biex tkompli ssaħħaħ ir-regoli li jirregolaw il-kunflitti ta' interess, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lid-definizzjonijiet, il-kamp ta' applikazzjoni (min huwa kopert), l-identifikazzjoni ta' funzjonijiet jew attivitajiet sensittivi f'riskju, is-“sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti b'mod oġġettiv bħala kunflitt ta' interess” u l-obbligi f'każijiet ta' kunflitt ta' interess; ifakkar li l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta' pagamenti mill-baġit tal-UE u li s-sempliċi possibbiltà li tintuża pożizzjoni li tirriżulta mill-kunflitt ta' interess hija indikatur suffiċjenti;

20.   

Jinsab imħasseb dwar l-interpretazzjoni limitata tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju mill-Aġenzija Ċeka tal-Pagamenti għall-Agrikoltura (il-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu), li tqisha mhux applikabbli għall-membri tal-gvern; itenni t-tħassib tal-Parlament dwar għadd ta' nuqqasijiet identifikati fil-ġestjoni tal-Aġenzija Ċeka tal-Pagamenti għall-Agrikoltura, speċjalment in-nuqqas ta' indipendenza tal-Bord Superviżorju, kif enfasizzat fir-rapport tal-Parlament dwar il-missjoni tiegħu fir-Repubblika Ċeka fi Frar 2020 (7); jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' awditjar biex tiżgura l-ġestjoni tajba tal-aġenzija;

21.   

Iqis il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-evitar u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fl-ambitu tar-Regolament Finanzjarju bħala għodda importanti biex jissaħħu aktar il-miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-frodi u l-irregolaritajiet; jitlob lill-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni u tippromwovi interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-evitar tal-kunflitti ta' interess, inklużi l-pagamenti diretti fl-ambitu tal-ewwel pilastru tal-PAK, u tissorvelja l-funzjonament indipendenti tal-Aġenziji tal-Pagamenti u l-istrutturi tal-awditjar f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati b'aktar eżempji prattiċi, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet biex tgħinhom jevitaw il-kunflitti ta' interess;

22.   

Itenni li ċ-ċittadini u l-kontribwenti Ċeki ma għandhomx iħallsu jew isofru minn konsegwenzi li jirriżultaw mill-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš, u li l-kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Agrofert għandhom iħallsu lura s-sussidji kollha li ngħataw illegalment mill-baġit nazzjonali tal-UE jew tar-Repubblika Ċeka; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċeki jitolbu lura s-sussidji kollha li tħallsu indebitament lil kwalunkwe entità tal-grupp Agrofert;

23.   

Jinsisti li l-iżborż ulterjuri ta' fondi, kemm mill-baġit nazzjonali tal-UE kif ukoll minn dak Ċek, lill-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati mill-Prim Ministru Babiš jew mill-membri tal-Gvern Ċek irid jitwaqqaf sakemm il-każijiet ta' kunflitt ta' interess jiġu kompletament solvuti;

24.   

Iħeġġeġ lill-Gvern Ċek itejjeb il-ġustizzja ġenerali tad-distribuzzjoni tas-sussidji tal-UE u jistabbilixxi sistema li tiggarantixxi trasparenza sħiħa fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE; jinnota bi tħassib li skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda deċiżjoni li tibdel is-sistema Ċeka tal-pagamenti diretti minn mindu twaqqfet fl-2014 u li jinħoloq mekkaniżmu effettiv kontra l-kunflitti ta' interess;

25.   

Ifakkar li bħala parti mill-proġett “Stork Nest”, Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet taħt il-kontroll ta' Agrofert, sabiex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju, li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun; iqis li huwa inaċċettabbli li wara li ġew konklużi irregolaritajiet serji fl-investigazzjonijiet dwar “Stork Nest”, l-awtoritajiet Ċeki rtiraw il-proġett mill-finanzjament tal-UE bil-għan li jiffinanzjawh mill-baġit nazzjonali, u jittrasferixxu l-piż finanzjarju lill-kontribwenti Ċeki; iqis li din hija konferma li l-awtoritajiet Ċeki naqsu milli jikkonvinċu lill-Kummissjoni dwar il-legalità u r-regolarità ta' dawn il-pagamenti; jesprimi dispjaċir għall-fatt li dan ifisser li l-OLAF ma għadx għandu d-dritt li jinvestiga u huwa biss il-prosekutur nazzjonali li jista' jressaq l-akkużi; jinsab serjament imħasseb li l-prosekutur Ċek għalaq, fuq bażi temporanja, il-proċedimenti u wara fetaħ mill-ġdid il-każ; jistieden lill-awtoritajiet Ċeki jgħarrfu lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni dwar “Stork Nest” kemm jista' jkun malajr;

26.   

Jinnota li l-pulizija Ċeka rrakkomandat, għat-tieni darba, li l-Prim Ministru Babiš jitressaq b'allegazzjoni ta' frodi li tammonta għal madwar EUR 2 miljun fir-rigward tal-investigazzjonijiet “Stork Nest”; jinnota li l-prosekutur ta' superviżjoni Jaroslav Šaroch, li f'Settembru 2019 inizjalment iddeċieda li jwaqqa' l-każ, huwa responsabbli biex jiddeċiedi dwar il-kap ta' akkuża; ifakkar li l-Prosekutur Ġenerali Pavel Zeman, li issa rriżenja, fl-4 ta' Diċembru 2019 kien ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-każ, filwaqt li kkwota nuqqasijiet fil-valutazzjoni legali tal-prosekutur Šaroch;

27.   

Jinsab imħasseb ħafna bil-pressjoni politika kontra l-media indipendenti u l-istituzzjonijiet indipendenti fir-Repubblika Ċeka, li reċentement ġiet enfasizzata bir-riżenja tal-Prosekutur Ġenerali, li ddikjara pressjoni mill-Ministru tal-Ġustizzja bħala r-raġuni għar-riżenja tiegħu;

28.   

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-vulnerabbiltajiet tas-sistema ġudizzjarja Ċeka u tniedi l-azzjonijiet meħtieġa; jitlob lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa u tanalizza jekk xi każijiet oħra li jinvolvu membri tal-Gvern Ċek ġewx irtirati jew magħluqa qabel iż-żmien potenzjalment wara pressjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat mingħajr dewmien żejjed dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha;

29.   

Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti li l-Gvern Ċek diġà ħallas aktar minn CZK 150 miljun lill-Agrofert mill-baġit nazzjonali Ċek matul il-perjodu awditjat (8); peress li dan jista' jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat u jikkomprometti l-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku tal-UE, kif ukoll l-integrità tiegħu, jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga bis-sħiħ dawn il-każijiet ta' finanzjament mill-baġit nazzjonali u tinforma lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni u l-miżuri meħuda;

30.   

Jikkundanna l-prattika li jiġu rtirati l-proġetti mill-fondi tal-UE sabiex jiġu ffinanzjati mill-baġit nazzjonali wara l-iskoperta ta' irregolaritajiet mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u twettaq analiżi legali bir-reqqa f'dawn il-każijiet, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-ksur potenzjali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

31.   

Jiddeplora l-kummenti pubbliċi li għamel il-Prim Ministru Babiš b'reazzjoni għall-pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-awditar tad-DĠ REGIO u EMPL (9); iqis inaċċettabbli li l-awdituri tal-Kummissjoni jissejħu “mafja” minn membru tal-Kunsill Ewropew;

32.   

Jikkundanna l-kummenti diffamatorji tal-Prim Ministru Babiš kontra l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet li jirrappurtaw dwar il-kunflitt ta' interess tiegħu u l-operazzjonijiet tan-negozji tiegħu; jindika f'dan ir-rigward il-kummenti negattivi tiegħu dwar ir-Referendum ta' Denik fil-Parlament Ċek f'Novembru 2020;

33.   

Jinsab imħasseb ħafna bil-livell baxx ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO li jinsabu fir-Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Serje – waħda biss mill-erbatax-il rakkomandazzjoni ġiet implimentata b'mod sodisfaċenti, seba' rakkomandazzjonijiet ġew implimentati parzjalment u s-sitt rakkomandazzjonijiet li fadal ma ġew implimentati xejn;

34.   

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jipprojbixxu każijiet ta' pagamenti ta' sussidji ta' miljuni ta' euro bi tliet ċifri lil persuni fiżiċi individwali fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid u jimxu lejn il-pożizzjoni tal-Parlament li tiggarantixxi trasparenza sħiħa u l-possibbiltà ta' aggregazzjoni tal-pagamenti kif ukoll il-proċeduri ta' monitoraġġ u awditi diġitali bejn il-fruntieri tal-Istati Membri fi programmi b'ġestjoni kondiviża;

35.   

Jistieden lill-Kunsill fin-negozjati li għaddejjin dwar ir-Regolament tal-PAK iqis kif xieraq l-effettività baġitarja u d-distribuzzjoni aktar ġusta u trasparenti tal-pagamenti diretti, jimxi lejn il-pożizzjoni tal-Parlament li tistabbilixxi limiti speċifiċi għal kull persuna fiżika għaż-żewġ pilastri tal-PAK, kif ukoll digressività, limitazzjoni obbligatorja u pagamenti ridistributtivi biex tiġi żgurata perċezzjoni pożittiva tal-PAK b'mod ġenerali miċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li n-negozjati fil-Kunsill ma għandhomx jiġu affettwati minn kunflitti ta' interess u li l-ebda ministru, membru jew rappreżentant ta' gvern nazzjonali ma għandu jipparteċipa fin-negozjati waqt li jkun affettwat minn kunflitt ta' interess; iqis inaċċettabbli li l-Prim Ministru Babiš, waqt li kien is-sid benefiċjarju tal-grupp Agrofert, ħa sehem fin-negozjati dwar il-PAK u ġġieled kontra l-limitu tas-sussidji; jissottolinja bil-qawwa li l-limiti għal kull persuna fiżika għall-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK iridu jkunu applikabbli b'mod uniformi, inkluż għall-membri tal-gvernijiet nazzjonali sabiex ma jitħallewx jinnegozjaw fil-Kunsill għall-benefiċċju tagħhom stess;

36.   

Ma japprovax bil-qawwa l-istrutturi oligarkiċi li jużaw il-fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jipprevjenu t-trawwim ta' strutturi bħal dawn, li qed inaqqsu l-kompetittività ta' bdiewa żgħar u ta' daqs medju u ta' rziezet tal-familja, li għandhom ikunu l-benefiċjarji ewlenin tal-PAK;

37.   

Jisħaq fuq it-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-Prim Ministru Babiš jinsab f'kunflitt ta' interess waqt li jipparteċipa fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-allinjament tal-PAK mal-għanijiet ġenerali tal-politika Ewropea dwar it-tibdil fil-klima, minħabba li l-interessi kummerċjali tal-grupp Agrofert jistgħu jegħlbu l-interess pubbliku fl-appoġġ ta' agrikoltura aktar sostenibbli u fil-limitazzjoni tal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima;

38.   

Iqis li n-nuqqas ta' azzjoni mill-Gvern Ċek fl-indirizzar tal-kunflitti ta' interess tal-Prim Ministru Babiš għandu impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-awtoritajiet tal-Istat Ċek, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, u fuq il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

39.   

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni ta' hawn fuq, flimkien mal-influwenza tal-Prim Ministru Babiš fuq il-media Ċeka u fuq is-sistema ġudizzjarja, bil-ħsieb li tidentifika ksur tal-istat tad-dritt u, jekk ikkonfermata u abbażi tas-sejbiet tagħha, tattiva fi żmien xieraq il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

40.   

Għadu mħasseb dwar il-konċentrazzjoni dejjem tiżdied ta' sjieda tal-media f'idejn ftit oligarki (10);

41.   

Jinnota li għaddejjin investigazzjonijiet u awditi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew dwar kunflitti ta' interess potenzjali u l-użu tal-fondi tal-UE; jinsab imħasseb dwar it-tħassib espress fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt tal-2020 li każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli mhumiex segwiti biżżejjed u ġew identifikati xi lakuni fl-oqfsa ta' integrità applikabbli għall-membri tal-parlament;

42.   

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess f'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju; jesprimi tħassib li l-Prim Ministru Ċek kien, u għadu, parti attiva min-negozjati dwar il-baġit tal-UE u l-programmi tal-UE waqt li jinsab f'kunflitt ta' interess; jitlob lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jispjegaw lill-Parlament kif qed jippjanaw li jqisu u jaġixxu fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Babiš fit-teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-PAK u mal-baġit tal-UE wara l-konklużjoni fir-rapporti tal-awditjar tal-Kummissjoni;

43.   

Iqis li l-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš jikkonferma wkoll il-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita sistema ta' rappurtar u monitoraġġ diġitali interoperabbli għall-finanzi tal-UE; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-koleġiżlaturi ma laħqux ftehim sodisfaċenti dwar id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT, li jippermettu rappurtar standardizzat u uniformi u jrawmu l-kooperazzjoni; jitlob li jsir sforz mill-atturi rilevanti kollha biex jistinkaw għal soluzzjonijiet ugwalment effettivi għall-fini ta' obbligu ta' rendikont imtejjeb;

44.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju dwar kunflitt ta' interess, inkluż fil-każ tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Babiš, jiġu applikati bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u tan-Next Generation EU sabiex ma jsir l-ebda pagament lil kumpaniji li huma direttament jew indirettament proprjetà tal-Prim Ministru Babiš (11); jitlob aktar skrutinju ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali kif ukoll elementi oħra tal-istat tad-dritt fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru;

45.   

Jenfasizza bil-qawwa li l-Membri tal-Parlament Ewropew jeħtiġilhom ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr theddid u li l-gvernijiet nazzjonali jkunu responsabbli biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

46.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u liż-żewġ kmamar tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka.


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU C 121, 9.4.2021, p. 1.

(3)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 157.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0164.

(5)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.

(6)  Ir-rapport tal-awditjar finali sab nuqqasijiet serji fit-tfassil tas-sistema ta' kontroll biex jiġi evitat kunflitt ta' interess, kif muri mis-seba' każijiet ta' ksur tal-Artikolu 4c tal-liġi Ċeka dwar il-kunflitti ta' interess u r-rata għolja ta' żball ta' 96,7 % fil-kampjun awditjat.

(7)  Rapport dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) fir-Repubblika Ċeka, 26-28 ta' Frar 2020.

(8)  iROZHLAS, Penam, Lovochemie, Cerea. Česko vyplatilo Agrofertu podle Bruselu na dotacích neoprávněně 155 milionů, 27 ta' April 2021.

(9)  Euractiv, Czech PM slams EU Commission auditors as “mafia” (Il-Prim Ministru Ċek jirreferi għall-awdituri tal-Kummissjoni tal-UE bħala “mafja”), 26 ta' April 2021.

(10)  Reporters Without Borders, ir-Repubblika Ċeka, https://rsf.org/en/czech-republic [aċċessat it-2 ta' Ġunju 2021].

(11)  Lista ta' kumpaniji u proġetti approvati mill-Gvern Ċek biex jitressqu għall-finanzjament mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, tinkludi aktar minn CZK 6 biljun għal Lovochemie, kumpanija li hija parti mill-grupp Agrofert, li qabel kienet immexxija mill-Ministru Ċek għall-Ambjent fil-kariga, Richard Brabec.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/64


P9_TA(2021)0283

Nindirizzaw l-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tas-sospensjoni tal-ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament, it-tagħmir u l-kapaċità ta' produzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-indirizzar tal-isfida globali tal-COVID-19: l-effetti tad-deroga mill-Ftehim TRIPS tad-WTO fuq il-vaċċini, it-trattament u t-tagħmir għall-COVID-19 u fuq iż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u ta' manifattura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2021/2692(RSP))

(2022/C 67/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-14 ta' Novembru 2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-WTO għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tas-6 ta' Novembru 2015 dwar l-estensjoni tal-eżenzjoni għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) membri tad-WTO biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS relatati mal-prodotti farmaċewtiċi,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Indja u mill-Afrika t'Isfel tat-2 ta' Ottubru 2020 li titlob deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS għall-prevenzjoni, għall-konteniment u għat-trattament tal-COVID-19, kosponsorjata mill-Eswatini, mill-Kenja, mill-Mozambique u mill-Pakistan, u appoġġata minn 100 pajjiż ieħor,

wara li kkunsidra l-proposta riveduta għal deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS kif ikkomunikata fil-21 ta' Mejju 2021 minn 62 Membru tad-WTO,

wara li kkunsidra l-ittra miftuħa minn 243 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili lid-Direttur Ġenerali tad-WTO tat-13 ta' April 2021 dwar l-indirizzar tal-isfidi globali ta' provvista inadegwata u ta' aċċess mhux ugwali għal prodotti mediċi għall-COVID-19, speċjalment il-vaċċini,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti tal-5 ta' Mejju 2021 li tafferma l-appoġġ għal deroga temporanja mill-Ftehim TRIPS,

wara li kkunsidra l-ittra miftuħa tal-President tar-Repubblika tal-Costa Rica u tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-27 ta' Mejju 2021, biex l-Istati Membri kollha tad-WHO jerġgħu jintalbu jappoġġaw attivament il-Pool ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID-19 (C-TAP),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma adottata fis-Summit Globali dwar is-Saħħa fil-21 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra l-ittra tal-31 ta' Mejju 2021 tad-Direttur Ġenerali tad-WHO, tad-Direttur Ġenerali tad-WTO, tad-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-President tal-Grupp tal-Bank Dinji li fiha talbu għal impenn ġdid għall-ekwità fir-rigward tal-vaċċini u biex tingħeleb il-pandemija,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' April 2020 tad-Diretturi Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jappoġġaw l-isforzi biex jiġi żgurat il-fluss transfruntier normali ta' provvisti mediċi essenzjali u ta' oġġetti u servizzi oħra,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi kien hemm madwar 172 000 000 każ ta' COVID-19, li rriżultaw f'aktar minn 3 700 000 mewta madwar id-dinja, u billi din il-pandemija kkawżat tbatija u ansjetà qawwija bla preċedent għal miljuni ta' nies, kif ukoll il-qerda tal-għajxien tagħhom; billi l-konsegwenzi tal-COVID fit-tul jaffettwaw 10 % tal-pazjenti globalment, u dan iwassal għal telf ta' impjiegi, faqar u vulnerabbiltajiet soċjoekonomiċi qawwija;

B.

billi l-pandemija globali attwali tal-COVID-19 tirrikjedi strateġija globali għall-vaċċini, għad-dijanjostika, għat-trattamenti u għall-produzzjoni u għad-distribuzzjoni tat-tagħmir; billi huwa meħtieġ approċċ olistiku, xjentifiku u bbażat fuq il-fatti biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-saħħa relatati mal-pandemija; billi approċċ sensittiv għall-ġeneru u intersezzjonali huwa kruċjali biex tinkiseb l-ugwaljanza f'kull stadju tal-proċess ta' vaċċinazzjoni, mill-iżvilupp sad-distribuzzjoni;

C.

billi l-vaċċini huma każ klassiku fejn esternalitajiet pożittivi enormi jirrikjedu li jiġu ttrattati bħala beni pubbliċi globali u li jiġu pprovduti b'xejn; billi fil-pajjiżi żviluppati, iċ-ċittadini kollha qed jingħataw il-vaċċini bla ħlas; billi ma jkunx etikament morali jekk dak il-prinċipju ma japplikax għal persuni ħafna aktar foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

D.

billi d-Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim TRIPS u dwar is-Saħħa Pubblika, adottata fl-14 ta' Novembru 2001, tgħid li l-Ftehim TRIPS għandu jiġi implimentat u interpretat b'mod li jkun tajjeb għas-saħħa pubblika – li jinkoraġġixxi kemm l-aċċess għall-mediċini eżistenti kif ukoll l-iżvilupp ta' mediċini ġodda; billi l-Kunsill TRIPS tad-WTO ddeċieda fis-6 ta' Novembru 2015 li jestendi d-deroga għall-privattiva tal-mediċini għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) sa Jannar 2033;

E.

billi huwa essenzjali li jiġu żgurati vaċċini għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli f'pajjiżi bi dħul baxx u medju bi prezz raġonevoli; billi l-vaċċini bbażati fuq l-mRNA wrew li huma l-aktar effettivi, iżda wkoll l-aktar vaċċini għaljin fis-suq;

F.

billi minn Ġunju 2021, ġew amministrati madwar 1,6 biljun doża ta' vaċċin madwar id-dinja, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom ingħataw f'pajjiżi industrijalizzati u li jipproduċu l-vaċċini; billi 0,3 % biss tad-dożi ta' vaċċin amministrati globalment ingħataw fid-29 pajjiż l-aktar foqra, li fihom tgħix madwar 9 % tal-popolazzjoni dinjija; billi l-FMI jistma li jekk id-distribuzzjoni tal-vaċċini tiġi aċċellerata, jistgħu jiżdiedu aktar minn EUR 7 triljun mal-PDG globali jekk il-virus jinżamm taħt kontroll; billi l-UE ddistribwiet aktar minn 260 miljun vaċċin lill-Istati Membri tagħha u esportat aktar minn 226 miljun vaċċin lejn pajjiżi terzi, li minnhom 10 % biss imorru għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs);

G.

billi qed jitfaċċaw varjanti preokkupanti ġodda tal-COVID-19, li huma aktar trażmissibbli, li joqtlu aktar nies u li huma anqas suxxettibbli għall-vaċċini, u jistgħu jirrikjedu dożi addizzjonali ta' vaċċini, u dan iżid id-domanda għal ferm aktar mill-11-il biljun doża meħtieġa li ġew stmati inizjalment; billi żieda qawwija fil-produzzjoni hija essenzjali biex tinkiseb vaċċinazzjoni globali; billi ż-żieda fil-manifattura tal-vaċċini hija prijorità globali; billi l-ktajjen tal-provvista globali għall-materja prima ma jridux jiġu mxekkla minn miżuri protezzjonisti jew minn ostakli nontariffarji għall-kummerċ; billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fejn jiġu mmanifatturati l-vaċċini sfortunatament poġġew projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' vaċċini u tal-ingredjenti tagħhom, u b'hekk waqqfu żieda fil-produzzjoni globali u kkawżaw konġestjonijiet fil-ktajjen tal-provvista;

H.

billi ġew investiti ammonti enormi ta' fondi u riżorsi pubbliċi u privati fir-riċerka u fl-iżvilupp, fil-provi kliniċi u fl-akkwist sabiex jiġu żviluppati vaċċini u trattamenti għall-COVID-19 b'mod miftuħ u aċċessibbli; billi r-riċerka tas-settur pubbliku u privat, l-istituzzjonijiet tas-saħħa, il-ħaddiema tal-ewwel linja, ix-xjenzati, ir-riċerkaturi u l-pazjenti kollha ġabru informazzjoni dwar il-virus, li l-kumpaniji farmaċewtiċi użaw;

I.

billi l-liċenzji volontarji għandhom ikunu l-aktar mezz effettiv biex jiġu ffaċilitati l-espansjoni tal-produzzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert; billi ebda kumpanija privata ma pparteċipat fl-inizjattiva tal-Pool ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID-19 (C-TAP), li tistieden lill-kumpaniji farmaċewtiċi jimpenjaw ruħhom favur ħruġ ta' liċenzji volontarji globali trasparenti u mhux esklużivi; billi, skont id-WHO, 19-il manifattur minn aktar minn tnax-il pajjiż fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina esprimew ir-rieda tagħhom li jżidu l-produzzjoni ta' vaċċini bl-mRNA; billi sal-lum 40 % biss tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni dinjija ntużaw għall-produzzjoni ta' vaċċini kontra l-COVID-19;

J.

billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw b'kapaċità ta' manifattura insuffiċjenti jew mingħajr kapaċità ta' manifattura għadhom qed jiffaċċjaw pressjoni politika sinifikanti u diffikultajiet legali li jipprevjenu l-użu tagħhom tal-flessibbiltajiet tal-Ftehim TRIPS, b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) u l-proċess ikkumplikat u twil għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi;

K.

billi l-protezzjonijiet tal-privattivi u ta' proprjetà intellettwali oħra jiżguraw salvagwardji għat-teħid ta' riskji intraprenditorjali, u qafas legali multilaterali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) jipprovdi inċentivi li huma kritiċi għat-tħejjija kontra pandemiji futuri; billi l-aċċess ekwu globali għal vaċċini, prodotti dijanjostiċi u trattamenti bi prezz raġonevoli huwa l-uniku mod biex jittaffa l-impatt globali tas-saħħa pubblika u ekonomiku tal-pandemija, u d-deroga temporanja mill-obbligi internazzjonali tal-protezzjoni tal-propjetà intellettwali għal prodotti mediċinali, apparat mediku u teknoloġiji tas-saħħa relatati mal-COVID-19 hija waħda mill-kontributi importanti għal dan il-għan;

L.

billi minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika bla preċedent u allarmanti fl-Indja, il-Gvern Indjan impona projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' vaċċini, li wasslet għal tfixkil fil-provvista globali u fil-mekkaniżmu tal-COVAX; billi l-UE hija kontributur ewlieni għall-COVAX; billi l-UE taħt Tim Ewropa impenjat ruħha li tagħti 100 miljun doża oħra għall-użu f'pajjiżi bi dħul baxx u medju sa tmiem l-2021;

M.

billi l-vaċċin tal-poljomjelite tqiegħed fis-swieq mingħajr privattiva u l-marda issa nqerdet minn ħafna reġjuni tad-dinja; billi l-Gvern tal-Afrika t'Isfel, immexxi minn Nelson Mandela, kien ġie sfurzat juża d-disponibbiltà tal-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji biex jeżerċita pressjoni favur mediċini ekwivalenti ġeneriċi ta' kwalità u bi prezz raġonevoli ħalli jevita li jħallas prezzijiet eċċessivi lill-kumpaniji farmaċewtiċi multinazzjonali li jużaw privattivi għat-trattament tal-HIV;

N.

billi l-ktajjen tal-provvista fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iridu jittejbu; billi l-espansjoni tal-produzzjoni lokali, l-għarfien fost il-popolazzjoni u ż-żieda fl-assistenza għad-distribuzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jżidu n-numru globali ta' persuni vaċċinati; billi għad hemm nuqqas inkwetanti ta' finanzjament ta' USD 18,5-il biljun għall-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT);

O.

billi l-prijoritajiet tal-UE għandhom ikunu li jiġi żgurat aċċess globali ekwu għall-vaċċini, id-dijanjostika, il-prodotti terapewtiċi u soluzzjonijiet oħra ta' provvisti mediċi, filwaqt li l-ktajjen tal-provvista jinżammu miftuħa bl-użu tal-għodod kollha disponibbli;

P.

billi l-LDCs diġà jibbenefikaw minn deroga, mogħtija sal-1 ta' Jannar 2033, rigward l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS dwar il-prodotti farmaċewtiċi, kif ukoll minn deroga, mogħtija sal-1 ta' Lulju 2021 u li l-estensjoni tagħha qed tiġi diskussa bħalissa, li teżenta lill-LDCs mill-obbligi kollha tal-Ftehim TRIPS ħlief għall-Artikoli 3, 4 u 5;

1.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżvilupp tal-pandemija, b'mod partikolari fil-pajjiżi bi dħul baxx u medju; ifakkar li l-pandemija tal-COVID-19 għadha ma spiċċatx u li jeħtieġ li jiġu żviluppati vaċċini ġodda biex jiġu miġġielda l-mutazzjonijiet; jissottolinja li l-komunità internazzjonali trid tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex il-pandemija tal-COVID-19 tiġi kkontrollata u li ċirkostanzi eċċezzjonali jirrikjedu soluzzjonijiet eċċezzjonali; jisħaq, għalhekk, li huwa meħtieġ approċċ olistiku, li jipprijoritizza d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti tas-saħħa relatati mal-COVID-19, iż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u d-distribuzzjoni ġeografika globali tal-kapaċità tal-manifattura; jenfasizza li l-politika kummerċjali internazzjonali jrid ikollha rwol proattiv f'dan l-isforz billi tiffaċilita l-kummerċ tal-materja prima, il-prodotti tas-saħħa u mediċi, ittaffi n-nuqqas ta' persunal kwalifikat u ta' esperjenza, issolvi l-problemi fil-katina tal-provvista u terġa' tikkunsidra l-qafas globali għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għal pandemiji futuri; jitlob appoġġ għal negozjati proattivi, kostruttivi u bbażati fuq it-test għal deroga temporanja tal-Ftehim TRIPS tad-WTO, bil-għan li jittejjeb l-aċċess globali għal prodotti mediċi bi prezz raġonevoli relatati mal-COVID-19 u li jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-produzzjoni u n-nuqqasijiet fil-provvista globali;

2.

Ifakkar li d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika tafferma li l-Ftehim TRIPS ma jżommx u m'għandux iwaqqaf lill-Membri milli jieħdu miżuri biex jipproteġu s-saħħa pubblika;

3.

Jirrimarka li huma meħtieġa 11-il biljun doża biex tiġi vvaċċinata 70 % tal-popolazzjoni dinjija u li ġiet prodotta biss frazzjoni ta' dak l-ammont; jirrimarka li approċċ ibbażat fuq wegħdiet ta' dożi żejda mhuwiex biżżejjed; ifakkar li l-COVAX qed tiffaċċja nuqqas ta' 190 miljun doża minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19 fl-Indja u mhix se tilħaq l-objettivi ta' provvista tagħha għall-futur prevedibbli; jinnota li l-UE hija donatur ewlieni għall-Faċilità COVAX f'termini ta' finanzjament u ta' kondiviżjoni tal-vaċċini, kemm permezz tal-COVAX kif ukoll f'livell bilaterali; jitlob lill-UE u lis-sħab tagħha, madankollu, biex iżidu b'mod sinifikanti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għall-COVAX; jilqa' f'dan ir-rigward il-wegħda minn ċerti manifatturi li jfornu 1,3 biljun doża ta' vaċċin bil-prezz tal-produzzjoni jew bi prezz baxx, u l-impenn ta' Tim Ewropa li jagħti 100 miljun doża lil pajjiżi bi dħul baxx u medju sal-aħħar tas-sena, filwaqt li jfakkar li l-Istati Membri tal-UE huma stmati li jirċievu surplus ta' mill-inqas 400 miljun doża ta' vaċċin fl-2021; jilqa' wkoll l-appoġġ li sar disponibbli għall-kunsinna tal-vaċċini u l-materjal anċillari mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jissottolinja l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-forniment tal-COVAX; jiddispjaċih dwar azzjonijiet mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti biex jiżviluppaw suq sekondarju ta' bejgħ mill-ġdid biex ibigħu vaċċini żejda lil pajjiżi industrijalizzati oħra;

4.

Jisħaq li r-rispons globali għall-emerġenzi tas-saħħa għandu jinkludi, minn naħa waħda, approċċ “min-naħa tad-domanda” orjentat lejn il-ħtiġijiet li jipprovdi finanzjament konġunt u xiri bil-quddiem ikkoordinat globalment u, min-naħa l-oħra, strateġija integrata “min-naħa tal-provvista” biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tul il-katina tal-valur kollha; iqis li żieda fil-produzzjoni globali tal-vaċċini, koordinazzjoni aħjar tal-provvisti u ktajjen tal-valur imsaħħa, diversifikati u reżiljenti għall-vaċċini huma meħtieġa biex il-vaċċini jiġu distribwiti globalment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkollabora mal-pajjiżi li jipproduċu l-vaċċini biex jiġu eliminati malajr l-ostakli għall-esportazzjoni u biex il-mekkaniżmu ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tagħha stess jiġi sostitwit b'rekwiżiti ta' trasparenza għall-esportazzjoni, u jinsisti li jirċievi aċċess f'waqtu u komprensiv għal tali data; jistieden lill-Istati Uniti u lir-Renju Unit jabolixxu minnufih il-projbizzjoni tagħhom fuq l-esportazzjoni tal-vaċċini u ta' materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-vaċċini; jappella għal żieda urġenti fl-investiment u l-koordinazzjoni internazzjonali għaż-żieda fil-produzzjoni tal-inputs kritiċi tal-vaċċini bħal oġġetti li jintremew wara l-użu u ingredjenti farmaċewtiċi attivi sabiex jissolvew il-konġestjonijiet tul il-ktajjen tal-valur tal-vaċċini;

5.

Jissottolinja li, fuq medda twila ta' żmien, il-produzzjoni globali tal-vaċċini trid tiġi estiża b'mod urġenti biex tissodisfa d-domanda globali, u li l-investiment fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa għalhekk meħtieġ biex dawn isiru aktar awtosuffiċjenti; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' trasferiment effettiv tat-teknoloġija u tal-għarfien espert biex dan iseħħ; jirrikonoxxi li l-inċentivar ta' ftehimiet ta' ħruġ ta' liċenzji volontarji u ta' trasferiment volontarju tat-teknoloġija u tal-għarfien espert lil pajjiżi b'industriji preeżistenti li jipproduċu l-vaċċini għandu jkun l-aktar mod importanti biex dan l-objettiv jintlaħaq; madankollu, huwa lest li jiddiskuti s-soluzzjonijiet effettivi u pragmatiċi kollha biex tingħata spinta ulterjuri lill-produzzjoni globali tal-vaċċini u jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tikkollabora mal-Istati Uniti u ma' pajjiżi oħra tal-istess fehma f'dan ir-rigward;

6.

Jisħaq li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija inċentiv ewlieni għall-innovazzjoni u r-riċerka madwar id-dinja; jinnota li tali protezzjoni hija l-bażi għal ftehimiet għall-ħruġ ta' liċenzji u trasferiment tal-għarfien espert volontarji u għalhekk tippermetti aktar milli tostakola d-disponibbiltà tal-vaċċini; iwissi li taħt paradigma ta' nuqqas ta' infurzar għall-privattivi, il-kumpaniji jkollhom jirrikorru għas-segretezza jew l-esklussività biex jipproteġu l-innovazzjonijiet tagħhom; jissottolinja t-theddida li deroga indefinita mill-Ftehim TRIPS tista' toħloq riskju għall-finanzjament tar-riċerka, b'mod partikolari għar-riċerkaturi, l-investituri, l-iżviluppaturi u l-provi kliniċi; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, hija obbligu kostituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha;

7.

Jieħu nota tat-tħabbira tal-Kummissjoni li hija miftuħa għall-possibbiltà li jiġi ffaċilitat l-użu tal-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat aċċess globali rapidu għall-produzzjoni tal-vaċċini; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kriterji oġġettivi rigward jekk, meta u f'liema każijiet se tirrikorri għall-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji; jisħaq li l-Ftehim TRIPS ma jispeċifikax ir-raġunijiet li jistgħu jintużaw biex jiġi ġustifikat il-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji; jenfasizza li d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika tikkonferma li l-pajjiżi huma liberi li jiddeterminaw ir-raġunijiet għall-għoti ta' liċenzji obbligatorji u li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi emerġenza nazzjonali; jisħaq li l-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji jirrikjedi qafas legali effettiv, u li dan jista' jwassal għal diffikultajiet legali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tesplora jekk u kif se tipprovdi appoġġ legali għall-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; jilqa' l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-kooperazzjoni u l-ħruġ ta' liċenzji volontarju huma l-aktar għodod effettivi biex tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-produzzjoni;

8.

Jissottolinja li l-pilastru ta' konnessjoni tas-sistemi tas-saħħa tal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT) irid jissaħħaħ biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-ipproċessar, tal-ħżin, tad-distribuzzjoni u tal-kunsinna madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi vulnerabbli; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-involviment tagħhom fid-WHO, filwaqt li jagħtu prijorità lill-Aċċeleratur ACT bħala parti mir-rispons globali tal-UE fil-pilastri kollha tagħha tad-dijanjostika, tat-terapewtika, tal-vaċċin u tat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-kapaċitajiet tal-manifattura fil-kontinent Afrikan u jilqa' bis-sħiħ it-tħabbira ta' Tim Ewropa ta' inizjattiva ta' EUR 1 biljun bl-għan li jittejbu l-manifattura u l-aċċess għall-vaċċini, għall-mediċini u għat-teknoloġiji tas-saħħa; jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' qafas regolatorju adegwat għall-prodotti farmaċewtiċi; jissottolinja li l-UE issa għandha r-responsabilità li tinvesti f'ċentri ta' distribuzzjoni reġjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, u li tappoġġa t-twaqqif ta' Aġenzija Afrikana għall-Mediċini; jappella, f'dan ir-rigward, għal appoġġ għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni lokali, għat-taħriġ ta' persunal mediku u tekniku kwalifikat biex jamministra l-vaċċini, u għall-appoġġ tal-ktajjen tad-distribuzzjoni tal-vaċċini u biex tingħata għajnuna biex jingħelbu l-limitazzjonijiet bħall-infrastruttura tat-tkessiħ, id-distribuzzjoni ġeografika u soċjoekonomika u l-eżitazzjoni għall-vaċċinazzjoni;

9.

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva C-TAP kontra l-COVID-19 tad-WHO u għaċ-ċentru ta' trasferiment tat-teknoloġija għall-vaċċini bl-mRNA; jiddispjaċih li sal-lum il-kumpaniji farmaċewtiċi ddeċidew li ma jinvolvux ruħhom fl-inizjattiva C-TAP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinċentiva lill-kumpaniji farmaċewtiċi biex jaqsmu t-teknoloġiji u l-għarfien espert tagħhom permezz tas-C-TAP u tinkludi impenji dwar sħubijiet ta' trasferiment tat-teknoloġija ma' partijiet terzi, b'mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-ftehimiet futuri ta' xiri bil-quddiem tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-influwenza tagħha matul in-negozjati għall-kuntratti għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' vaċċini kontra l-COVID biex tiżgura li l-iżviluppaturi jittrasferixxu t-teknoloġija tagħhom bi prezz baxx lil pajjiżi bi dħul baxx u medju; jappella għall-immappjar attiv tal-kumpaniji, inklużi s-sottokuntratturi, bl-għarfien espert meħtieġ biex jittrasferixxu t-teknoloġija u biex dawn il-kumpaniji jiġu akkoppjati ma' kumpaniji b'faċilitajiet ta' produzzjoni mhux użati;

10.

Jitlob lill-UE tiżgura li l-ftehimiet futuri ta' xiri bil-quddiem jiġu żvelati kompletament, b'mod partikolari għall-vaċċini tal-ġenerazzjoni li jmiss; jitlob lill-UE tintegra l-impenji fir-rigward tal-ħruġ ta' liċenzji globali mhux esklużivi, tas-sigrieti tal-mestier, tad-data proprjetarja u tat-trasferimenti tat-teknoloġija, u tinkludi rekwiżiti ta' trasparenza għall-fornituri, inkluża analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-profitti għal kull prodott; jisħaq li dawn ir-rekwiżiti ta' trasparenza m'għandhomx iwaqqfu lill-Kummissjoni milli taġixxi bħala offerent kompetittiv jekk ikun meħtieġ; itenni l-ħtieġa tal-akbar trasparenza fin-negozjati tal-kuntratti tal-vaċċini kontra l-COVID-19, inkluż permezz tal-involviment dirett tal-Membri tal-Parlament Ewropew permezz tal-grupp ta' kuntatt dwar il-vaċċini fil-proċessi deċiżjonali kuntrattwali; jistenna li l-Parlament Ewropew jirċievi regolarment analiżi komprensiva u dettaljata tal-produzzjoni, tal-importazzjonijiet, tal-esportazzjonijiet u tat-tbassir tal-vaċċini, inkluża informazzjoni dwar il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-oriġini tal-vaċċini u tal-komponenti tal-vaċċini importati;

11.

Jirrikonoxxi li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, l-espansjoni tal-produzzjoni, inkluż permezz ta' wegħdiet mill-produtturi u l-iżviluppaturi tal-vaċċini, u l-faċilitazzjoni tal-flessibbiltajiet tal-Ftehim TRIPS relatati mal-liċenzji obbligatorji kollha għandhom rwol fiż-żieda tal-vaċċinazzjoni globali; jilqa' l-isforzi li saru mid-Direttur Ġenerali tad-WTO biex il-membri jitressqu lejn soluzzjoni bbażata fuq id-djalogu; jinnota l-komunikazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO u lill-Kunsill TRIPS dwar ir-reazzjonijiet urġenti tal-politika kummerċjali għall-kriżi tal-COVID-19, li jippreżentaw tliet pilastri komplementari, inklużi l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u r-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, u l-espansjoni tal-produzzjoni; jistenna li l-Kummissjoni żżid l-impenn tagħha biex tikkonkludi l-inizjattiva tad-WTO dwar il-Kummerċ u s-Saħħa sat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Novembru 2021; jitlob, barra minn hekk, li jitwaqqaf Kumitat għall-Kummerċ u għas-Saħħa fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO sabiex jieħu tagħlimiet mill-pandemija, jagħmel proposti biex tiżdied l-effikaċja tar-rispons tad-WTO waqt il-kriżijiet tas-saħħa internazzjonali u biex iħejji pilastru kummerċjali għal trattat internazzjonali dwar il-pandemija sabiex jiġi indirizzat tfixkil fil-katina tal-provvista, jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni, tittieħed azzjoni kontra l-ispekulazzjoni fil-prezzijiet u jiġi rivedut il-qafas tal-liġi tad-WTO fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda;

12.

Jissottolinja li l-UE għandha turi tmexxija u tkompli tinvolvi ruħha fi sforzi multilaterali u globali fid-distribuzzjoni, il-koordinazzjoni u l-ippjanar pluriennali tal-vaċċini fil-laqgħat li jmiss tal-Kunsill TRIPS tat-8 ta' Ġunju u tal-14 ta' Ottubru 2021, is-Summit tal-G7 tal-11 sat-13 ta' Ġunju 2021, is-Summit tal-2021 tal-G20, is-Summit UE-Stati Uniti tal-2021, l-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2021, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-2021, u fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO u lil hinn;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G20, lill-Fond Monetarju Internazzjonali, lill-Bank Dinji, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/69


P9_TA(2021)0284

Limitu massimu ta' residwi għall-imidacloprid

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/621 tal-15 ta' April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 biex jikklassifika s-sustanza imidacloprid fir-rigward tal-limitu massimu ta' residwi tagħha f'oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali (2021/2705(RSP))

(2022/C 67/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/621 tal-15 ta' April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 biex jikklassifika s-sustanza imidacloprid fir-rigward tal-limitu massimu ta' residwi tagħha f'oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta' limiti ta' residwi ta' sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 17 tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fl-20 ta' April 2021 mill-Kumitat Permanenti dwar Prodotti Mediċinali Veterinarji,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 13 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi r-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi li l-ebda prodott mediċinali veterinarju ma għandu jitħalla jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni sakemm ma jkunx ġie awtorizzat, u l-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja tiegħu jkunu ntwerew u jirrikonoxxi li aċċess imtejjeb għall-informazzjoni jagħti lill-pubbliku l-opportunità li jesprimi l-osservazzjonijiet tiegħu u jippermetti lill-awtoritajiet iqisu kif xieraq dawk l-osservazzjonijiet;

B.

billi r-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jipprevedi li għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar kif ikunu ntlaħqu d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju u dwar il-fatturi, għajr ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, kif ukoll kif dawk il-fatturi tqiesu kontra xulxin u dik il-komunikazzjoni tar-riskju għandha tikkontribwixxi għal djalogu parteċipattiv u miftuħ bejn il-partijiet interessati kollha sabiex jiġi żgurat li l-prevalenza tal-interess pubbliku, u l-preċiżjoni, il-komprensività, it-trasparenza, il-konsistenza u l-obbligu ta' rendikont jitqiesu fil-proċess tal-analiżi tar-riskju;

C.

billi r-rapport ta' valutazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tat-18 ta' Frar 2011 bit-titolu “Imidacloprid, Product-type 18 (Insecticides, Acaricides and Products to control other Arthropods)” (6) jikkategorizza data dwar it-tossiċità sinifikanti għall-ispeċijiet akkwatiċi u dawk mhux fil-mira;

D.

billi d-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tipprevedi li “Il-kontaminazzjoni tal-ilma u tal-ħamrija b'residwi farmaċewtiċi hija tħassib ambjentali emerġenti. Fl-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskju għal, jew permezz tal-ambjent akkwatiku minn prodotti mediċinali, għandha tingħata attenzjoni adegwata lill-objettivi ambjentali tal-Unjoni. Sabiex jiġi indirizzat dak it-tħassib, il-Kummissjoni għandha teżamina r-riskji tal-effetti ambjentali mill-prodotti mediċinali u tipprovdi analiżi tar-rilevanza u tal-effettività tal-qafas leġiżlattiv attwali fil-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku u tas-saħħa tal-bniedem permezz tal-ambjent akkwatiku.”;

E.

billi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 (8) stabbilixxa r-rekwiżiti minimi inkluża informazzjoni dwar l-effetti potenzjalment dannużi tas-sustanza attiva, il-metaboliti u l-impuritajiet tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ilma tal-pjan, l-ambjent u l-ispeċijiet mhux fil-mira (flora u fawna);

F.

billi r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 (9) jipprevedi li “Kull informazzjoni rigward xi effetti potenzjalment mhux aċċettabbli tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fuq l-ambjent, il-pjanti u fuq il-prodotti tal-pjanti għandha tkun inkluża flimkien mal-effetti kumulattivi u sinerġistiċi magħrufa u mistennija.”;

G.

billi d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tinnota li “d-dettalji u d-dokumenti li jridu jakkumpanjaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq iridu juru li l-perikli potenzjali huma megħluba mill-benefiċċji minħabba l-effikaċja. Fin-nuqqas ta' tali dimostrazzjoni, l-applikazzjoni trid tiġi miċħuda.”;

H.

billi tressqet applikazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-“Aġenzija”) għall-istabbiliment ta' limitu massimu ta' residwi (MRL) għall-imidacloprid f'Salmonidae;

I.

billi l-Aġenzija, abbażi tal-opinjoni tad-9 ta' Settembru 2020 mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (11), irrakkomandat l-istabbiliment ta' MRL għall-imidacloprid ta' 0,6 mg/kg (600 μg/kg) fil-ħut bil-pinen kollu kif xieraq;

J.

billi ma ġiex stabbilit MRL għall-użu akkwatiku mill-Codex Alimentarius (12); billi l-laqgħa Konġunta tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar ir-residwi tal-pestiċidi tal-2008 irrakkomandat konsum massimu aċċettabbli ta' kuljum ta' 0,06 mg/kg minn residwi tal-għelejjel agrikoli (13);

K.

billi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, li hija l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija saret disponibbli biss fil-qosor, u skont il-Kummissjoni se ssir disponibbli bis-sħiħ biss wara l-adozzjoni tal-MRL;

L.

billi opinjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta' MRL skont id-dritt tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku u għandha tkun faċilment aċċessibbli;

M.

billi l-iżgurar li l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju jkun trasparenti jippromwovi l-fehim pubbliku, jikkontribwixxi biex l-Aġenzija tingħata aktar leġittimità f'għajnejn il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, u jipprovdi obbligu ta' rendikont akbar liċ-ċittadini tal-Unjoni f'sistema demokratika (14);

N.

billi l-imidacloprid huwa sustanza attiva bijoċidali neonikotinojde (NN) li ġiet kummerċjalizzata għall-użu mifrux biex jiġu ttrattati l-għelejjel u l-bhejjem minħabba t-tossiċità tagħha għal firxa wiesgħa ta' pesti; billi l-mod ta' azzjoni tal-imidacloprid huwa li jaġixxi bħala antagonista tar-riċetturi tal-aċetilkolina nikotiniku (nAChR) fis-sistema nervuża ċentrali, u b'hekk ifixkel it-trażmissjonijiet tas-sinjali sinaptiċi u jwassal għal iperattività letali tan-nervituri u tal-muskoli tal-annimali, tal-vertebrati u tal-invertebrati bl-istess mod, filwaqt li jimblukka b'mod irriversibbli l-nAChR u jwassal għal paraliżi u mewt (15);

O.

billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 (16) jipprojbixxi l-użu tal-imidacloprid fuq l-għelejjel kollha mkabbra barra, minħabba l-effetti avversi tiegħu fuq id-dakkara;

P.

billi s-sustanzi kimiċi ta' riskju li jiġu applikati b'riċetta veterinarja u li jintużaw biex jiġu ttrattati l-infezzjonijiet tal-qamel tal-baħar fl-aħħar mill-aħħar jiġu rilaxxati fl-ambjent akkwatiku; l-effetti tagħhom mhux biss għandhom il-potenzjal li jħallu impatt negattiv fuq organiżmi sensittivi mhux fil-mira, ir-rilaxx ta' dawk il-komposti ġie identifikat bħala tħassib ambjentali ewlieni (17) minħabba l-mobbiltà għolja tal-imidacloprid fil-ħamrija u l-kontaminazzjoni li tirriżulta tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ (18);

Q.

billi qed tiżdied l-evidenza li l-użu tal-imidacloprid għandu impatt devastanti fuq il-bijodiversità b'mod partikolari dak tax-xmajjar u tal-passaġġi fuq l-ilma (19), mhux biss jaffettwa l-krustaċji (20), il-molluski (21) u l-ispeċijiet (ta' insetti) mhux fil-mira iżda wkoll l-organiżmi tal-ħamrija (22), minbarra li jġib tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-għasafar (23); billi hemm tħassib dejjem akbar dwar il-preżenza u l-akkumulazzjoni tar-residwi tal-pestiċidi u l-metaboliti tagħhom fil-ħamrija u l-potenzjal tagħhom li jwasslu għall-aċidifikazzjoni tal-ħamrija; jinnota bi tħassib li l-użu tal-imidacloprid fil-Ġappun wassal għal kollass drammatiku tal-istokkijiet tal-ħut, li ma rkuprawx (24);

R.

billi l-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), ikkategorizzaw l-imidacloprid bħala “jagħmel il-ħsara jekk jinbela'”, “perikoluż għall-ambjent” u “tossiku ħafna għall-organiżmi akwatiċi b'mod li jħalli effetti dejjiema” (26);

S.

billi studju dwar l-esponiment għall-imidacloprid fil-ħut karpjun komuni (Cyprinua carpio L.) sab diġenerazzjoni fil-moħħ, fil-garġi u fl-għajnejn (27) flimkien ma' bidliet istopatoloġiċi (feriti), attivazzjoni tal-bijomarkaturi u alternazzjoni tal-livelli tal-espressjoni ġenika; dak l-istudju kkonkluda li l-infjammazzjoni u l-istress ossidattiv huma indotti mill-esponiment għall-imidacloprid;

T.

billi l-bijoakkumulazzjoni tal-metaboliti NN tista' sseħħ fil-bnedmin permezz tal-konsum ripetut ta' ikel ikkontaminat, minħabba li l-bijoakkumulazzjoni tal-imidacloprid b'esponiment ta' doża baxxa ġiet osservata fi studju fuq l-annimali (28);

U.

billi diversi studji xjentifiċi, f'testijiet fuq l-annimali, ikkonkludew li l-imidacloprid jaġixxi bħala sustanza tossika riproduttiva u interferent endokrinali li jistgħu jaffettwaw b'mod avvers il-qalb, il-kliewi, it-tirojde u l-moħħ u jistgħu jikkawżaw sintomi newrologiċi inklużi l-insuffiċjenza respiratorja u l-mewt (29);

V.

billi l-evidenza sperimentali turi li t-tossiċità tal-imidacloprid tiżdied maż-żmien tal-esponiment bħalma tiżdied mad-dożaġġ, deskritta bħala “tossiċità kumulattiva maż-żmien”, għalhekk it-tossiċità tal-imidacloprid ma għandhiex tinftiehem biss f'termini ta' letalità akuta iżda għandha titqies ukoll f'qafas kroniku (30);

W.

billi r-Regolament (UE) Nru 283/2013 jirrikjedi t-twettiq ta' studji dwar it-tossiċità fit-tul;

X.

billi r-Regolament (KE) Nru 396/2005 jipprevedi li jridu jitqiesu “l-effetti kumulattivi u sinerġiċi magħrufa”“meta l-metodi sabiex jiġu stmati dawn l-effetti huma disponibbli”;

Y.

billi r-Regolament (UE) Nru 284/2013 bħalissa jirrikjedi studji tossikoloġiċi dwar l-esponiment tal-operaturi, tal-persuni fil-qrib, tar-residenti u tal-ħaddiema, diversi studji dwar it-tossiċità kronika u fit-tul għall-annimali, u studji dwar id-destin u l-imġiba fil-ħamrija, fl-ilma u fl-arja;

Z.

billi hemm nuqqas ta' għarfien dwar l-effetti ta' sustanzi niġġiesa fl-ambjent ta' ħafna sustanzi kimiċi individwali u taħlitiet kimiċi; mhux is-sustanzi kimiċi kollha ġew ivvalutati, u l-valutazzjonijiet tal-ekotossiċità jiffokaw fuq ftit wisq speċijiet u ekosistemi;

AA.

billi r-Regolament (UE) 2019/6 jirrikonoxxi li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju għandha tqis: “fatturi rilevanti oħrajn, inkluż fatturi soċjetali, ekonomiċi, etiċi, ambjentali u tal-beneddseri u l-fattibbiltà tal-kontrolli”;

AB.

billi għall-kuntrarju tal-każ ta' studji ppreżentati lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), ma hemmx bżonn li jiġu ppubblikati studji ppreżentati lill-Aġenzija; juri dispjaċir għan-nuqqas ta' aċċess għal studji xjentifiċi b'mod sħiħ, f'opinjonijiet xjentifiċi u f'data mhux ipproċessata, kif ukoll għan-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-fattibbiltà tal-kontrolli u l-ġestjoni tar-riskju tal-iskariku tal-ilma mormi fl-ambjent akkwatiku;

AC.

billi r-Regolament (KE) Nru 470/2009 jiddikjara li l-limiti massimi ta' residwi jridu jiġu stabbiliti f'konformità mal-prinċipji ġeneralment aċċettati tal-valutazzjoni tas-sikurezza, filwaqt li titqies kwalunkwe valutazzjoni xjentifika oħra tas-sikurezza tas-sustanza kkonċernata, li setgħu twettqu minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Codex Alimentarius jew, fejn sustanzi bħal dawn jintużaw għal skopijiet oħrajn, minn kumitati xjentifiċi stabbiliti fil-Komunità;

AD.

billi l-Codex Alimentarius ma jirrakkomandax l-imidacloprid għall-użu fl-ambjent akkwatiku, u l-ECHA tissuġġerixxi għaliex dan jista' jkun il-każ: “Skont il-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati (ATP01) approvati mill-Unjoni Ewropea, din is-sustanza hija tossika ħafna għall-ħajja akkwatika b'effetti dejjiema u tagħmel il-ħsara jekk tinbela'” (31);

AE.

billi l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2019/6 jipprevedi li l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk ir-riskji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali jew għall-ambjent ma jiġux indirizzati biżżejjed; iqis li din hija ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta' stabbiliment tal-MRL;

AF.

billi l-erba' nazzjonijiet ewlenin li jipproduċu s-salamun: in-Norveġja, iċ-Ċilì, ir-Renju Unit u l-Kanada mhumiex Stati Membri u għalhekk il-Kummissjoni ma tkunx tista' twettaq kontrolli xierqa tal-awtoritajiet kompetenti f'dawk il-pajjiżi, jew tivvaluta l-adegwatezza tal-kontrolli;

1.

Iqis li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/621 jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 470/2009;

2.

Iqis li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/621 mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi jikser il-libertà tal-informazzjoni u l-prinċipji fundamentali tat-trasparenza, l-iskrutinju demokratiku, u l-obbligu ta' rendikont, sa fejn l-opinjoni sottostanti mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju tkun saret disponibbli biss fil-qosor;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevoka r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/621 u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat li jinkludi l-imidacloprid fil-lista stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 ta' sustanzi farmakoloġikament attivi li għalihom ma jista' jiġi stabbilit l-ebda livell massimu għall-użu akkwatiku;

4.

Iqis li l-mediċini veterinarji, il-pestiċidi u r-residwi farmakoloġiċi u kimiċi kollha għandhom jgħaddu minn testijiet standard u evalwazzjonijiet rieżaminati bejn il-pari minħabba r-riskju tagħhom li jikkawżaw ħsara ulterjuri u permanenti;

5.

Iqis li l-Aġenzija għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-opinjoni sħiħa tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju li tikkonsisti mill-valutazzjoni xjentifika tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju u l-evidenza xjentifika li fuqha huma bbażati; iqis li l-valutazzjoni tar-riskju tal-imidacloprid hija nieqsa fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-valuri tal-punti finali akuti u li tinjora l-effetti mdewma, kumulattivi u kroniċi; ifakkar li r-riċerka fl-invertebrati akkwatiċi żvelat effett imdewwem fuq il-mortalità, speċjalment fost l-ispeċijiet ta' insetti akkwatiċi li ma setgħux jiġu identifikati f'testijiet standard akuti li juru li l-valutazzjonijiet tar-riskju għan-neonikotinojdi ma kinux adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent (32);

6.

Iqis li huwa essenzjali li jiġu evalwati s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-MRLs fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali flimkien mar-regoli stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), ir-Regolament (KE) Nru 396/2005, ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34), u r-Regolamenti (UE) 2019/6 u (UE) 2019/1381;

7.

Iqis li d-Direttiva 2001/82/KE għandha bżonn urġenti ta' reviżjoni vis-à-vis il-protezzjoni tal-bijodiversità, tal-ambjent akkwatiku u terrestri filwaqt li jitqies it-trattament xieraq tal-annimali u l-organiżmi u l-mikroorganiżmi mhux fil-mira;

8.

Iqis li r-Regolament (KE) Nru 470/2009 ma jipprovdix kunsiderazzjoni adegwata tal-ħtieġa li jiġu involuti l-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt demokratiku ta' skrutinju tagħhom;

9.

Itenni l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni xjentifika, il-koordinazzjoni u l-koerenza bejn l-aġenziji tal-Unjoni b'kompetenza f'dan il-qasam, jiġifieri l-Aġenzija, l-EFSA u l-ECHA flimkien mal-aġenziji nazzjonali u internazzjonali, billi jiġi żviluppat qafas komuni għall-valutazzjoni tar-riskju għall-prodotti bijoċidali u fitofarmaċewtiċi użati fil-ktajjen alimentari, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi u jiġi limitat il-potenzjal għal danni ambjentali u ekoċidju;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rwol tagħha ta' maniġer tar-riskju, tapplika kif xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni meta ssegwi valutazzjoni tal-informazzjoni disponibbli, sabiex jiġi kkwantifikat ir-riskju ta' effetti ta' ħsara fuq l-ambjent, il-bijodiversità, it-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-bniedem;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkomunika sistematikament dwar kif il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' kunsens infurmat tqiesu u kif intlaħqu l-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-prinċipju demokratiku ta' kunsens infurmat u biex twettaq kontroll tal-idoneità tal-proċess ta' valutazzjoni tar-riskju biex tistabbilixxi l-MRLs għall-prodotti mediċinali veterinarji fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali; iqis li huwa essenzjali li jkun konsistenti bis-sħiħ fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent” u l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-testijiet tal-ekotossikoloġija, kumulattivi maż-żmien, aġġornati u riveduti bejn il-pari, għal speċijiet mhux fil-mira fl-ambjent tal-ħamrija u tal-ilma jiġu inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju, u li tkopri wkoll ir-residwi ambjentali fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma, inklużi l-effetti tossiċi kumulattivi fit-tul, u li tispeċifika l-istudji xjentifiċi indipendenti u rieżaminati bejn il-pari u l-opinjonijiet xjentifiċi li ġew ikkunsidrati; jisħaq li din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti u lill-Istati Membri jappoġġjaw proposta leġiżlattiva biex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza ma' u koerenza fir-rigward tar-Regolamenti (UE) 2019/6 u (UE) 2019/1381 u l-leġiżlazzjoni kollha relatata mal-ikel f'każ li l-valutazzjoni tar-riskju biex jiġu stabbiliti l-MRLs titwettaq minn aġenziji li mhumiex l-EFSA; u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura wkoll li tali valutazzjoni tkun trasparenti u sservi biex tipproteġi aħjar il-bijodiversità u l-ekosistemi akkwatiċi, l-insetti, il-ħniex u l-mikroorganiżmi tal-ħamrija;

15.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 131, 16.4.2021, p. 120.

(2)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

(3)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE ( ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE ( ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1).

(6)  https://echa.europa.eu/documents/10162/225b9c58-e24c-6491-cc8d-7d85564f3912

(7)  Id-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, p. 85).

(10)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-Kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(11)  https://www.ema.europa.eu/en/documents/mrl-summary/imidacloprid-fin-fish-summary-opinion-cvmp-establishment-maximum-residue-limits_en.pdf

(12)  http://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/codex-texts/dbs/pestres/pesticide-detail/en/?p_id=206

(13)  http://www.fao.org/fileadmin/templates/agphome/documents/Pests_Pesticides/JMPR/JMPRReport08.pdf

(14)  Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża T-235/15 , Pari Pharma GmbH vs l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ECLI:EU:T:2018:65; ara wkoll il-Kawża T-718/15, PTC Therapeutics International Ltd vs l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ECLI:EU:T:2018:66 u T-729/15, MSD Animal Health Innovation GmbH and Intervet International BV vs l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ECLI:EU:T:2018:67.

(15)  Sánchez-Bayo, F., Tennekes, H.A., “Time-Cumulative Toxicity of Neonicotinoids: Experimental Evidence and Implications for Environmental Risk Assessments”, International Journal of Environmental Research and Public Health. 2020,17(5),1629, https://www.mdpi.com/1660-4601/17/5/1629

(16)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidacloprid ( ĠU L 132, 30.5.2018, p. 31).

(17)  Burridge, L., Weis, J.S., Cabello, F., Pizarro, J., Bostick, K., “Chemical use in salmon aquaculture: A review of current practices and possible environmental effects”, Aquaculture, 2010, volume 306, 1-4, pp. 7-23, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0044848610003297.

(18)  Sánchez-Bayo, F., Tennekes, H.A., “Time-Cumulative Toxicity of Neonicotinoids: Experimental Evidence and Implications for Environmental Risk Assessments”, International Journal of Environmental Research and Public Health. 2020,17(5),1629, IJERPH | Free Full-Text | Time-Cumulative Toxicity of Neonicotinoids: Experimental Evidence and Implications for Environmental Risk Assessments (mdpi.com).

(19)  Butcherine, P., Kelaher, B.P., Taylor, M.D., Barkla, B.J., Benkendorff, K,“Impact of imidacloprid on the nutritional quality of adult black tiger shrimp (Penaeus monodon)”, Ecotoxicology and Environmental Safety, 2020, volume 198,

https://www.sciencedirect.com/science/article/abs/pii/S0147651320305212?via%3Dihub

(20)  Butcherine, P., Kelaher, B.P., Taylor, M.D., Barkla, B.J., Benkendorff, K,“Impact of imidacloprid on the nutritional quality of adult black tiger shrimp (Penaeus monodon)”, Ecotoxicology and Environmental Safety, 2020, volume 198, https://www.sciencedirect.com/science/article/abs/pii/S0147651320305212?via%3Dihub

(21)  Ewere, E.E., Reichelt-Brushett, A., Benkendorff, K., “The neonicotinoid insecticide imidacloprid, but not salinity, impacts the immune system of Sydney rock oyster, Saccostrea glomerata”, Science of the Total Environment, 2020, volume 742, The neonicotinoid insecticide imidacloprid, but not salinity, impacts the immune system of Sydney rock oyster, Saccostrea glomerata – ScienceDirect

(22)  de Lima e Silva, C., Brennan, N., Brouwer, J.M., Commandeur, D., Verweij, R.A., van Gestel, C.A.M., “Comparative toxicity of imidacloprid and thiacloprid to different species of soil invertebrates” Ecotoxicology, 2017, 26, pp. 555–564, https://doi.org/10.1007/s10646-017-1790-7

(23)  https://www.eea.europa.eu/publications/soer-2020

(24)  https://www.nationalgeographic.com/animals/article/neonicotinoid-insecticides-cause-fish-declines-japan

(25)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ( ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(26)  Ir-rapport ta' valutazzjoni tal-ECHA, "Imidacloprid, Product-type 18 (Insecticides, Acaracides and Products to control other Arthropods), https://echa.europa.eu/documents/10162/225b9c58-e24c-6491-cc8d-7d85564f3912

(27)  Tyor, A.K., Harkrishan, Bhardwaj, J.K., Saraf, P., “Effect of Imidacloprid on Histopathological Alterations of Brain, Gills and Eyes in hatchling carp (Cyprinus carpio L.)” , Toxicology International, 2020, 27, pp. 70-78.

(28)  Kavvalakis, M.P., Tzatzarakis, M.N.,Theodoropoulou, E.P., Barbounis, E.G., Tsakalof, A.K., Tsatsakis, A.M., “Development and application of LC-APCI-MS method for biomonitoring of animal and human exposure to imidacloprid”, Chemosphere 2013, volume 93, 10, pp. 2612-2620, Development and application of LC–APCI–MS method for biomonitoring of animal and human exposure to imidacloprid – ScienceDirect

(29)  Katić, A., Karačonji, I.B., “Imidacloprid as reproductive toxicant and endocrine disruptor: Investigations in laboratory animals”, Archives of Industrial Hygiene and Toxicology, 2018, 69(2), https://www.researchgate.net/publication/326247351_Imidacloprid_as_reproductive_toxicant_and_endocrine_disruptor_Investigations_in_laboratory_animals

(30)  Sánchez-Bayo, F., Tennekes, H.A., “Time-Cumulative Toxicity of Neonicotinoids: Experimental Evidence and Implications for Environmental Risk Assessments”, International Journal of Environmental Research and Public Health, 2020, 17(5),1629. https://www.mdpi.com/1660-4601/17/5/1629

(31)  https://echa.europa.eu/substance-information/-/substanceinfo/100.102.643

(32)  Sánchez-Bayo F., Tennekes, H.A., “Time-Cumulative Toxicity of Neonicotinoids: Experimental Evidence and Implications for Environmental Risk Assessments”, International Journal of Environmental Research and Public Health. 2020,17(5),1629, https://www.mdpi.com/1660-4601/17/5/1629

(33)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet tas-sikurezza tal-ikel ( ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(34)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/75


P9_TA(2021)0285

Sustanzi attivi, inkluża l-flumjoksażina

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/745 tas-6 ta' Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi sulfat tal-aluminju u tal-ammonju, silikat tal-aluminju, beflubutamid, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, karbonat tal-kalċju, captan, diossidu tal-karbonju, cymoxanil, dimethomorph, ethephon, estratt mis-siġra tat-te, famossadon, residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam, aċidi grassi C7 sa C20, flumjossażin, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, gibberellic acid, gibberellins, heptamaloxyloglucan, proteini idrolizzati, sulfat tal-ħadid, metazachlor, metribuzin, milbemectin, ir-razza 251 tal-Paecilomyces lilacinus, fenmedifam, phosmet, pirimiphos-methyl, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, karbonat idroġenat tal-potassju, propamocarb, prothioconazole, ramel tal-kwarz, żejt tal-ħuta, repellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ, S-metolachlor, Feromoni tal-Lepidopteri ta' Katina Dritta, tebukonażol u urea (2021/2706(RSP))

(2022/C 67/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/745 tas-6 ta' Mejju 2021 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi sulfat tal-aluminju u tal-ammonju, silikat tal-aluminju, beflubutamid, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, karbonat tal-kalċju, captan, diossidu tal-karbonju, cymoxanil, dimethomorph, ethephon, estratt mis-siġra tat-te, famossadon, residwi mid-distillazzjoni tax-xaħam, aċidi grassi C7 sa C20, flumjossażin, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, gibberellic acid, gibberellins, heptamaloxyloglucan, proteini idrolizzati, sulfat tal-ħadid, metazachlor, metribuzin, milbemectin, ir-razza 251 tal-Paecilomyces lilacinus, fenmedifam, phosmet, pirimiphos-methyl, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, karbonat idroġenat tal-potassju, propamocarb, prothioconazole, ramel tal-kwarz, żejt tal-ħuta, repellenti permezz ta' riħa ta' oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ, S-metolachlor, Feromoni tal-Lepidopteri ta' Katina Dritta, tebukonażol u urea (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (2), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 u l-Artikolu 21 tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-30 ta' Marzu 2021 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni (3),

wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi l-flumjoksażina ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (6) fl-1 ta' Jannar 2003 mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/81/KE (7) u tqieset li ġiet approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

B.

billi proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-flumjoksażina skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (8) ilha għaddejja mill-2010 (9), u l-applikazzjoni rispettiva ġiet ippreżentata f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (10) fid-29 ta' Frar 2012;

C.

billi l-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva flumjoksażina diġà ġie estiż b'ħames snin bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE (11) u sussegwentement b'sena kull sena mill-2015 bir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 (12), (UE) 2016/549 (13), (UE) 2017/841 (14), (UE) 2018/917 (15), (UE) 2019/707 (16) u (UE) 2020/869 (17), u issa mill-ġdid b'sena permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/745 li jestendi l-perjodu ta' approvazzjoni sat-30 ta' Ġunju 2022;

D.

billi l-Kummissjoni, fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/745, naqset milli tispjega r-raġunijiet għall-estensjoni ħlief billi ddikjarat: “Billi l-valutazzjoni ta' dawk is-sustanzi attivi ddewmet għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tal-applikanti, x'aktarx li l-approvazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi attivi se jiskadu qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom”;

E.

billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent, u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura tal-Unjoni; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi n-nisa tqal, it-trabi u t-tfal;

F.

billi għandu japplika l-prinċipju ta' prekawzjoni, u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li s-sustanzi għandhom jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun intwera li dawn jippreżentaw benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li mhumiex mistennija jkollhom xi effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent;

G.

billi r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jiddisponi li, fl-interess tas-sikurezza, il-perjodu ta' approvazzjoni għal sustanzi attivi għandu jkun limitat fiż-żmien; billi l-perjodu ta' approvazzjoni għandu jkun proporzjonat għar-riskji possibbli inerenti fl-użu ta' tali sustanzi, iżda fil-każ tal-flumjoksażina, huwa ċar li ma teżisti ebda proporzjonalità bħal din;

H.

billi fit-18-il sena mill-approvazzjoni tagħha bħala sustanza attiva, il-flumjoksażina ġiet identifikata u kklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B) u bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali;

I.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà u r-responsabbiltà li jaġixxu f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni, meta jkun ġie identifikat ir-riskju ta' effetti ta' ħsara fuq is-saħħa iżda jkun għad hemm inċertezza mil-lat xjentifiku, billi jadottaw miżuri proviżorji ta' ġestjoni tar-riskju li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

J.

billi, b'mod aktar speċifiku, l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tirrieżamina l-approvazzjoni ta' sustanza attiva fi kwalunkwe ħin, speċjalment fejn, fid-dawl ta' għarfien xjentifiku u tekniku ġdid, hija tqis li jkun hemm indikazzjonijiet li s-sustanza m'għadhiex tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament, u dan ir-rieżami jista' jwassal biex tiġi rtirata jew emendata l-approvazzjoni tas-sustanza;

Tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B) u proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali

K.

billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), il-flumjoksażina hi, skont klassifikazzjoni armonizzata, tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B), tossika ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u tossika ħafna għall-ħajja akkwatika b'mod li jħalli effetti dejjiema;

L.

billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) diġà kkonkludiet fl-2014, u sussegwentement fl-2017 u fl-2018, li kien hemm oqsma kritiċi ta' tħassib peress li l-flumjoksażina hija kklassifikata fil-kategorija ta' tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B), u wkoll li l-interferenza endokrinali potenzjali tal-flumjoksażina kienet kwistjoni li ma setgħetx tiġi ffinalizzata u li hija element kritiku ta' tħassib;

M.

billi fl-2015 il-flumjoksażina tqiegħdet fuq il-lista tal-“kandidati għas-sostituzzjoni” bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/408 minħabba li hija kklassifikata jew għandha tiġi kklassifikata, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, bħala tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1A jew 1B);

N.

billi, skont il-punt 3.6.4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi ma jistgħux jiġu approvati meta jaqgħu fil-kategorija ta' tossiċi għar-riproduzzjoni (kategorija 1B), ħlief f'każijiet fejn, fuq il-bażi ta' evidenza dokumentata inkluża fl-applikazzjoni, sustanza attiva tkun meħtieġa biex jiġi kkontrollat periklu serju għas-saħħa tal-pjanti li ma jistax jiġi mrażżan b'mezzi oħra disponibbli, inklużi metodi mhux kimiċi, li f'dan il-każ iridu jittieħdu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju biex ikun żgurat li l-esponiment tal-bnedmin u tal-ambjent għas-sustanza jiġi minimizzat;

O.

billi fl-1 ta' Frar 2018, l-Istat Membru Relatur, fid-dawl ta' data xjentifika ġdida, ippreżenta proposta lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għal klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flumjoksażina skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008; billi fil-15 ta' Marzu 2019, il-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC) tal-ECHA adotta opinjoni li timmodifika l-klassifikazzjoni tal-flumjoksażina minn tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B) għal tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 2); billi dan x'aktarx li jwassal għal riklassifikazzjoni tal-flumjoksażina fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 iżda dan għadu ma seħħx; billi sa dak iż-żmien, il-flumjoksażina tibqa' kklassifikata bħala tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B);

P.

billi, skont il-punt 3.6.5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva ma tistax tiġi approvata meta titqies li għandha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti avversi fil-bnedmin, sakemm l-esponiment tal-bnedmin għal dik is-sustanza attiva fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, f'kundizzjonijiet proposti realistiċi ta' użu, ma jkunx negliġibbli, jiġifieri, il-prodott jintuża f'sistemi magħluqa jew f'kundizzjonijiet oħra li jeskludu l-kuntatt mal-bnedmin u fejn ir-residwi tas-sustanza attiva kkonċernata fuq ikel u għalf ma jeċċedux il-valur stabbilit f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

Q.

billi ilu ssuspettat li l-flumjoksażina għandha proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali sa mill-2014 (20); billi l-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk sustanza tfixkilx is-sistema endokrinali fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 (21), ilhom applikabbli mill-20 ta' Ottubru 2018 (22); billi l-gwida korrispondenti ġiet adottata fil-5 ta' Ġunju 2018 (23); billi, madanakollu, il-Kummissjoni ma tatx mandat lill-EFSA biex tivvaluta l-potenzjal ta' tfixkil tas-sistema endokrinali tal-flumjoksażina skont il-kriterji l-ġodda qabel l-4 ta' Diċembru 2019;

R.

billi f'Settembru 2020 l-EFSA ppubblikat ir-rieżami bejn il-pari aġġornat tagħha tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva flumjoksażina (24), li fih ma setgħetx teskludi l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali peress li ġew identifikati diversi lakuni fid-data, anke dwar aspetti oħra ta' sikurezza, li wasslu għal oqsma kritiċi ta' tħassib;

S.

billi b'mod aktar speċifiku l-EFSA identifikat fil-qasam tat-tossikoloġija tal-mammiferi diversi lakuni fid-data, kwistjonijiet li ma setgħux jiġu ffinalizzati u oqsma kritiċi ta' tħassib; billi l-EFSA identifikat ukoll lakuni fid-data fil-qasam tar-residwi u s-sikurezza tal-konsumatur, l-EFSA ma setgħetx tiffinalizza l-valutazzjoni tal-esponiment għall-ilma ta' taħt l-art minħabba lakuni fid-data, u l-valutazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali tal-flumjoksażina għall-bnedmin u għall-organiżmi mhux fil-mira ma setgħetx tiġi ffinalizzata minħabba s-settijiet ta' data mhux kompluti, li kien ifisser li l-EFSA ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar jekk il-kriterji għall-interferenza endokrinali kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-organiżmi mhux fil-mira permezz ta' modalitajiet EATS (estroġeniċi, androġeniċi, tirojdoġeniċi jew sterojdoġeniċi) kif stabbiliti fil-punt 3.6.5 u fil-punt 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/605, humiex issodisfati;

T.

billi l-flumjoksażina għandha riskju għoli ta' bijokonċentrazzjoni, hija tossika ferm għall-alka u għall-pjanti akkwatiċi u hija moderatament tossika għall-ħniex, in-naħal tal-għasel, il-ħut u l-invertebrati akkwatiċi;

U.

billi huwa inaċċettabbli li sustanza li bħalissa tissodisfa l-kriterji ta' limitu għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u/jew tossiċi għar-riproduzzjoni, u li ma tistax tiġi eskluża li tissodisfa l-kriterji ta' limitu minħabba l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, li huma stabbiliti biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, tibqa' titħalla tintuża fl-Unjoni, u tqiegħed is-saħħa pubblika u l-ambjent f'riskju;

V.

billi l-applikanti jistgħu japprofittaw mis-sistema awtomatika inkorporata fil-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni, li testendi b'mod immedjat il-perjodi ta' approvazzjoni ta' sustanzi attivi jekk ir-rivalutazzjoni tar-riskji ma tkunx ġiet iffinalizzata, billi jtawlu l-proċess ta' rivalutazzjoni b'mod deliberat billi jipprovdu data mhux kompluta u billi jitolbu aktar derogi u kundizzjonijiet speċjali, li jwassal għal riskji inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minħabba li, matul dan il-perjodu, jissokta l-esponiment għas-sustanza perikoluża;

W.

billi wara proposta inizjali għan-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni fl-2014, ibbażata fuq il-fatt li l-flumjoksażina ssodisfat il-kriterji ta' limitu ta' tossika għar-riproduzzjoni (kategorija 1B), l-applikant talab deroga mill-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji ta' limitu; madankollu, tali deroga kienet tirrikjedi l-iżvilupp tal-metodoloġiji ta' valutazzjoni rilevanti li kienu għadhom ma jeżistux, minkejja l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 kien ilu japplika għal tliet snin, u dan wassal biex il-proċess ta' nuqqas ta' tiġdid ilu wieqaf għal diversi snin;

X.

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (KE) Nru 1107/2009 l-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex “jiżguraw li l-estensjoni proċedurali tal-perjodu ta' approvazzjoni għat-tul tal-proċedura, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, [ma tintużax] għal sustanzi attivi li huma mutaġeniċi, karċinoġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni, u li għaldaqstant jaqgħu taħt il-kategorija 1A jew 1B, jew sustanzi attivi li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u jagħmlu ħsara lill-bniedem u lill-annimali, kif attwalment hu l-każ tas-sustanzi bħall-flumjoksażina, it-tijakloprid, il-klorotoluron u d-dimossistrobin”;

Y.

billi l-Parlament diġà oġġezzjona għal żewġ estensjonijiet preċedenti tal-perjodu ta' approvazzjoni tal-flumjoksażina fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 (25) u tal-10 ta' Lulju 2020 (26), u l-Kummissjoni naqset milli tagħti risposta konvinċenti għal dawk ir-riżoluzzjonijiet u naqset ukoll milli turi kif xieraq li estensjoni oħra ma teċċedix is-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha;

Z.

billi wara l-estensjoni preċedenti fl-2020 tal-perjodi ta' approvazzjoni ta' 26 sustanza attiva, inkluża l-flumjoksażina, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2020/869, l-approvazzjonijiet ta' erbgħa biss mis-26 sustanza koperti minn dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni ġew imġedda jew mhux imġedda, filwaqt li skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/745, ġew estiżi l-perjodi ta' approvazzjoni ta' 44 sustanza attiva, ħafna minnhom għat-tielet jew ir-raba' darba;

1.

Iqis li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/745 jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

2.

Iqis li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/745 mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi ma jirrispettax il-prinċipju ta' prekawzjoni;

3.

Jiddenunzja bil-qawwa d-dewmien serju fil-proċess ta' awtorizzazzjoni mill-ġdid u fl-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali;

4.

Iqis li d-deċiżjoni biex il-perjodu ta' approvazzjoni għall-flumjoksażina jerġa' jiġi estiż mhijiex konformi mal-kriterji tas-sikurezza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u la hija bbażata fuq evidenza li dik is-sustanza tista' tintuża b'mod sikur u lanqas hija bbażata fuq ħtieġa urġenti u ppruvata ta' dik is-sustanza fil-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevoka r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/745 u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat, li jqis l-evidenza xjentifika dwar il-proprjetajiet ta' ħsara tas-sustanzi kollha kkonċernati, speċjalment dawk tal-flumjoksażina;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, tippreżenta proposta biex l-approvazzjoni tal-flumjoksażina ma terġax tiġġedded;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika lill-Parlament ir-raġunijiet speċifiċi għaliex il-valutazzjoni tas-sustanzi ddewmet għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikanti, liema punti ta' tmiem speċifiċi għadhom qed jiġu vvalutati, u għaliex dik il-valutazzjoni tirrikjedi daqstant żmien biex titwettaq;

8.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta abbozzi ta' regolamenti ta' implimentazzjoni biex testendi l-perjodi ta' approvazzjoni biss ta' sustanzi li għalihom l-istat attwali tax-xjenza mhuwiex mistenni li jwassal għal proposta tal-Kummissjoni għal nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva kkonċernata;

9.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirtira l-approvazzjonijiet għas-sustanzi, jekk jeżistu provi jew dubji raġonevoli li ma jkunux se jissodisfaw il-kriterji tas-sikurezza stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

10.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rivalutazzjoni xierqa u f'waqtha tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi li għalihom ikunu l-Istati Membri li jirrapportaw, u biex jiżguraw li d-dewmien attwali jintemm b'mod effettiv mill-aktar fis possibbli;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 160, 7.5.2021, p. 89.

(2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 67, 12.3.2015, p. 18.

(4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(5)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 183.

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/81/KE tal-10 ta' Ottubru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex tinkludi l-flumioxazine bħala sustanza attiva (ĠU L 276, 12.10.2002, p. 28).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(9)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE tal-10 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tad-dati ta' skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta' ċerti sustanzi attivi (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 48).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).

(11)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE tal-10 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tad-dati ta' skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta' ċerti sustanzi attivi (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 48).

(12)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1885 tal-20 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,4-D, Aċibenżolar-s-metil, Amitrol, Bentażon, Ċjalofop-butil, Dikwat, Esfenvalerat, Famoksadon, Flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), Glifosat, Iprovalikarb, Isoproturon, Lambda-Ċjalotrina, Metalaksil-M, Metsulfuron-metil, Pikolinafen, Prosulfuron, Pimetrożina, Piraflufen-etil, Tijabendażol, Tifensulfuron-metil u Triasulfuron (ĠU L 276, 21.10.2015, p. 48).

(13)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/549 tat-8 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi bentażon, ċjalofop butil, dikwat, famoksadon, flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), metalaksil-M, pikolinafen, prosulfuron, pimetrożina, tijabendażol u tifensulfuron-metil (ĠU L 95, 9.4.2016, p. 4).

(14)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/841 tas-17 ta' Mejju 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alfa-ċipermetrina, ir-razza Ampelomyces quisqualis: aq 10, benalaksil, bentażon, bifenażat, bromossinil, etil tal-karfentrażon, klorprofam, ċjażofammid, desmedifam, dikwat, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), etossażol, famoksadon, fenamidon, flumjoksażina, foramsulfuron, ir-razza Gliocladium catenulatum: j1446, imażamoks, imażosulfuron, isossaflutol, laminarin, metalaksil-m, metossifenożid, milbemektin, oksasulfuron, pendimetalin, fenmedifam, pimetrożina, s-metolaklor, u triflossistrobin (ĠU L 125, 18.5.2017, p. 12).

(15)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/917 tas-27 ta' Ġunju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alfaċipermetrina, beflubutammid, benalassil, bentjavalikarb, bifenażat, boskalid, bromossinil, kaptan, karvone, klorprofam, ċjażofammid, desmedifam, dimetoat, dimetomorf, dikwat, etefon, etoprofos, etossażol, famoksadon, fenamidon, fenamifos, flumjoksażina, fluwossastrobin, folpet, foramsulfuron, formetanat, ir-razza Gliocladium catenulatum: J1446, isossaflutol, metalaksil-m, metjokarb, metossifenożid, metribużin, milbemektin, oksasulfuron, ir-razza 251 Paecilomyces lilacinus, fenmedifam, fosmet, pirimifos-metil, propamokarb, protijokonażol, pimetrożin u s-metolaklor (ĠU L 163, 28.6.2018, p. 13).

(16)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/707 tas-7 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alpha-cypermethrin, beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, desmedipham, dimethoate, dimethomorph, diuron, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, foramsulfuron, formetanate, metalaxyl-M, methiocarb, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus razza 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole, S-metolachlor u tebuconazole (ĠU L 120, 8.5.2019, p. 16).

(17)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/869 tal-24 ta' Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi beflubutamid, benalaksil, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromossinil, captan, cyazofamid, dimethomorph, ethephon, etoxazole, famossadon, fenamiphos, flumjossażin, fluoxastrobin, folpet, formetanate, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus strain 251, fenmedifam, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole, u S-metolachlor (ĠU L 201, 25.6.2020, p. 7).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

(20)  Il-konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-pestiċidi, “Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance flumioxazin” (Konklużjoni dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva flumjoksażina), EFSA Journal 2014; 12(6):3736, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/3736

(21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta' April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33).

(22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/605 tad-19 ta' April 2018 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali (ĠU L 101, 20.4.2018, p. 33).

(23)  L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) b'appoġġ miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), “Guidance for the identification of endocrine disruptors in the context of Regulations (EU) No 528/2012 and (EC) No 1107/2009” (Gwida għall-identifikazzjoni ta' interferenti endokrinali fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) Nru 528/2012 u (KE) Nru 1107/2009), EFSA Journal 2018; 16(6):5311, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5311

(24)  Il-konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-pestiċidi, “Updated peer review of the pesticide risk assessment of the active substance flumioxazin”, (Rieżami bejn il-pari aġġornat tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva flumjoksażina), EFSA Journal 2020; 18(9):6246, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/6246

(25)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/707 tas-7 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi alpha-cypermethrin, beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, desmedipham, dimethoate, dimethomorph, diuron, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, foramsulfuron, formetanate, metalaxyl-M, methiocarb, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus razza 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole, S-metolachlor u tebuconazole (Testi adottati, P9_TA(2019)0026).

(26)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni ta' perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi beflubutamid, benalaxyl, benthiavalicarb, bifenazate, boscalid, bromoxynil, captan, cyazofamid, dimethomorph, ethephon, etoxazole, famoxadone, fenamiphos, flumioxazine, fluoxastrobin, folpet, formetanate, metribuzin, milbemectin, Paecilomyces lilacinus strain 251, phenmedipham, phosmet, pirimiphos-methyl, propamocarb, prothioconazole u S-metolachlor (Testi adottati, P9_TA(2020)0197).


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/81


P9_TA(2021)0286

L-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali (2021/2568(RSP))

(2022/C 67/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali” (JOIN(2020)0018),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (COM(2020)0823),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014 (COM(2020)0595),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (COM(2018)0630),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” (COM(2020)0067),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħra ta' trasport (7),

wara li kkunsidra l-konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001 (ETS Nru 185),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar strateġija ġdida għall-SMEs Ewropej (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar strateġija Ewropea għad-data (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa: it-tneħħija tal-ostakli għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u t-titjib tal-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali: il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar it-theddid għas-sigurtà marbut mal-preżenza teknoloġika Ċiniża li qed tiżdied fl-UE u azzjoni possibbli fil-livell tal-UE biex jitnaqqas (12),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali (O-000037/2021 – B9-0024/2021),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-trasformazzjoni diġitali hija prijorità strateġika fundamentali tal-Unjoni li inevitabbilment hija assoċjata ma' aktar espożizzjoni għat-theddid ċibernetiku;

B.

billi l-apparati konnessi, inklużi l-magni, is-sensuri, il-komponenti industrijali u n-networks li jiffurmaw l-Internet tal-Oġġetti (IoT), ikomplu jiżdiedu fin-numru, bi 22,3 biljun apparat mistennija jkunu marbuta mal-IoT fid-dinja kollha sal-2024, u b'hekk tiżdied l-espożizzjoni għall-attakki ċibernetiċi;

C.

billi l-progress teknoloġiku – bħall-computing kwantistiku – u l-asimmetriji fl-aċċess għalih jistgħu jirrappreżentaw sfida għall-panorama taċ-ċibersigurtà;

D.

billi l-kriżi tal-COVID-19 kixfet aktar il-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi f'xi setturi kritiċi, b'mod partikolari fil-kura tas-saħħa, u l-miżuri assoċjati tat-telexogħol u t-tbegħid soċjali żiedu d-dipendenza tagħna mit-teknoloġiji diġitali u mill-konnettività, filwaqt li fl-Ewropa kollha qed jiżdiedu n-numru u l-livell ta' sofistikazzjoni tal-attakki ċibernetiċi u tal-kriminalità ċibernetika, inklużi l-ispjunaġġ u s-sabotaġġ, kif ukoll l-aċċess għal sistemi, strutturi u networks tal-ICT kif ukoll il-manipulazzjoni tagħhom permezz ta' installazzjonijiet malizzjużi u illegali;

E.

billi n-numru ta' attakki ċibernetiċi qed jiżdied b'mod konsiderevoli, kif jidher mis-sensiela reċenti ta' attakki ċibernetiċi malizzjużi u organizzati fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, bħala ma ġara fl-Irlanda, fil-Finlandja u fi Franza; billi dawn l-attakki ċibernetiċi jikkawżaw danni sinifikanti lis-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-assistenza lill-pazjenti, kif ukoll lill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati sensittivi l-oħra;

F.

billi t-theddid ibridu qed jiżdied, inkluż l-użu ta' kampanji ta' diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura, il-proċessi ekonomiċi u l-istituzzjonijiet demokratiċi, u qed isiru kwistjoni serja kemm fid-dinja ċibernetika kif ukoll f'dik fiżika, u qed jirriskjaw li jaffettwaw proċessi demokratiċi bħall-elezzjonijiet, il-proċeduri leġiżlattivi, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja;

G.

billi hemm dipendenza dejjem akbar mill-funzjoni ewlenija tal-internet u mis-servizzi essenzjali tal-internet għall-komunikazzjoni u l-hosting, l-applikazzjonijiet u d-data, li għalihom is-sehem tas-suq qed jiġi kkonċentrat progressivament f'dejjem inqas kumpaniji;

H.

billi l-kapaċitajiet ta' attakk distribwit li jwaqqaf is-servizz qed jiżdiedu u, għalhekk, ir-reżiljenza tan-nukleu tal-internet għandha tiżdied b'mod parallel;

I.

billi l-preparazzjoni u l-għarfien tal-impriżi, b'mod partikolari tal-SMEs u tal-individwi, f'dik li hija ċ-ċibersigurtà għadhom baxxi u hemm nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa (id-diskrepanza fil-forza tax-xogħol żdiedet b'20 % mill-2015), u l-mezzi tradizzjonali ta' reklutaġġ ma jissodisfawx id-domanda, inkluż għal pożizzjonijiet maniġerjali u interdixxiplinari; billi “kważi 90 % tal-forza tax-xogħol globali fil-qasam taċ-ċibersigurtà huma rġiel” u “in-nuqqas persistenti ta' diversità tal-ġeneru jkompli jillimita l-ġabra ta' talenti” (13);

J.

billi l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċibersigurtà huma eteroġenji u r-rapportar tal-inċidenti u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejniethom la huma sistematiċi u lanqas komprensivi, filwaqt li l-użu ta' Ċentri tal-Kondiviżjoni u tal-Analiżi tal-Informazzjoni (ISACs) għall-iskambju ta' informazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati mhuwiex qed jisfrutta l-potenzjal tiegħu;

K.

billi m'hemmx qbil fil-livell tal-UE dwar il-kollaborazzjoni fl-intelligence ċibernetika u fir-risposta kollettiva għall-attakki ċibernetiċi u ibridi; billi għall-Istati Membri meqjusin singolarment huwa diffiċli ħafna, mil-lat tekniku u ġeopolitiku, jieħdu kontromiżuri kontra t-theddid ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi, speċjalment dawk ta' natura ibrida;

L.

billi l-kondiviżjoni transfruntiera tad-data u l-kondiviżjoni globali tad-data huma importanti għall-ħolqien tal-valur, dment li jiġu żgurati l-privatezza u d-drittijiet intellettwali u tal-proprjetà; billi l-infurzar tal-liġijiet ta' pajjiżi terzi fil-qasam tad-data jista' joħloq riskju f'termini ta' ċibersigurtà għad-data Ewropea, minħabba li l-kumpaniji li joperaw f'reġjuni differenti huma suġġetti għal obbligi li jikkoinċidu, indipendentement mill-post tad-data jew mill-oriġini tagħhom;

M.

billi ċ-ċibersigurtà tirrappreżenta suq globali ta' EUR 600 biljun, u dan l-ammont mistenni jiżdied malajr, u billi l-Unjoni hija importatur nett ta' prodotti u soluzzjonijiet;

N.

billi hemm riskju ta' frammentazzjoni tas-suq uniku minħabba regolamenti nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà u n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni orizzontali dwar rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà għall-hardware u s-software, inklużi l-applikazzjonijiet u l-prodotti konnessi;

1.

Jilqa' pożittivament l-inizjattivi deskritti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni konġunta intitolata “L-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali”;

2.

Jitlob il-promozzjoni tal-iżvilupp, fit-territorju tal-Unjoni, ta' sistemi ta' networks u ta' informazzjoni, ta' infrastrutturi u ta' konnettività li jkunu siguri u affidabbli;

3.

Jitlob li jiġi stabbilit l-għan li fl-Unjoni l-prodotti kollha konnessi mal-internet, inkluż dawk iddestinati għall-konsumaturi u għal użu industrijali, flimkien mal-ktajjen tal-provvista kollha li jagħmluhom disponibbli, ikunu siguri sa mit-tfassil, reżiljenti għall-inċidenti ċibernetiċi u jiġu kkoreġuti malajr b'software korrettiv meta jiġu skoperti vulnerabbiltajiet; jilqa' pożittivament il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni orizzontali dwar ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għal prodotti konnessi u servizzi assoċjati, u jitlob li tali leġiżlazzjoni tipproponi l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku; jitlob li titqies il-leġiżlazzjoni fis-seħħ (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, il-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid, ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni) biex jiġu evitati l-ambigwità u l-frammentazzjoni;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa ta' proposta għal regolament orizzontali li jintroduċi sal-2023 rekwiżiti ta' ċibersigurtà għall-applikazzjonijiet, is-software, is-software inkorporat u s-sistemi operattivi, li jibni fuq l-acquis tal-UE għar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji; jisħaq li l-applikazzjonijiet, is-software, is-software inkorporat u s-sistemi operattivi obsoleti (jiġifieri li ma għadhomx jirċievu korrezzjonijiet regolari u aġġornamenti tas-sigurtà) jirrappreżentaw sehem mhux traskurabbli tal-apparati konnessi kollha u jikkostitwixxu riskju f'termini ta' ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dan l-aspett fil-proposta tagħha; jissuġġerixxi li l-proposta għandha tinkludi obbligi għall-produtturi biex jikkomunikaw minn qabel il-perjodu minimu li matulu se jappoġġjaw il-korrezzjonijiet tas-sigurtà u l-aġġornamenti biex ix-xerrejja jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati; iqis li l-produtturi jridu jkunu parti mill-programm ta' Divulgazzjoni Koordinata tal-Vulnerabbiltajiet (CVD) kif stabbilit fil-proposta għad-Direttiva NIS2;

5.

Jissottolinja li ċ-ċibersigurtà għandha tkun inkorporata fid-diġitalizzazzjoni; jitlob, għalhekk, li l-proġetti ta' diġitalizzazzjoni ffinanzjati mill-Unjoni jinkludu r-rekwiżiti fil-qasam taċ-ċibersigurtà; jilqa' pożittivament l-appoġġ għar-riċerka u għall-innovazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, speċjalment fir-rigward ta' teknoloġiji fixkiela (bħall-computing kwantistiku u l-kriptografija kwantistika), li l-ħolqien tagħhom jista' jiddestabbilizza l-ekwilibriju internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, aktar riċerka dwar l-algoritmi postkwantistiċi bħala standard taċ-ċibersigurtà;

6.

Iqis li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà tagħna tfisser li s-setturi kollha huma interkonnessi u d-dgħufijiet f'settur wieħed jistgħu jfixklu lil oħrajn; jinsisti, għalhekk, li l-politiki fil-qasam taċ-ċibersigurtà jiġu inkorporati fl-istrateġija diġitali tal-UE u fil-finanzjamenti tal-UE, u li dawn ikunu koerenti u interoperabbli fis-setturi kollha;

7.

Jitlob użu koerenti tal-fondi tal-UE fir-rigward taċ-ċibersigurtà u tar-realizzazzjoni tal-infrastrutturi relatati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu sfruttati s-sinerġiji relatati maċ-ċibersigurtà bejn il-programmi differenti, b'mod partikolari l-programm Orizzont Ewropa, il-programm Ewropa Diġitali, il-Programm Spazjali tal-UE, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE, InvestEU u l-FNE, u li jsir użu sħiħ taċ-Ċentru u tan-Network ta' Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà;

8.

Ifakkar li l-infrastruttura tal-komunikazzjoni hija l-pedament tal-attività diġitali kollha u li l-iżgurar tas-sigurtà tagħha huwa prijorità strateġika għall-Unjoni; jappoġġja l-iżvilupp attwali tal-iskema ta' ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-UE għan-networks 5G; jilqa' favorevolment il-pakkett ta' strumenti tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija jkomplu bl-isforzi tagħhom biex joħolqu networks ta' komunikazzjoni siguri, inklużi miżuri rigward il-katina tal-provvista kollha; jistieden lill-Kummissjoni tevita l-intrappolament tal-klijentela (vendor lock-in) u ttejjeb is-sigurtà tan-networks billi tippromwovi inizjattivi li jtejbu l-virtwalizzazzjoni u l-cloudifikazzjoni tal-komponenti differenti tan-networks; jitlob l-iżvilupp rapidu tal-ġenerazzjonijiet li jmiss ta' teknoloġiji tal-komunikazzjoni billi tiġi prevista bħala prinċipju fundamentali ċ-ċibersigurtà sa mit-tfassil u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali;

9.

Itenni l-importanza li jiġi stabbilit qafas ta' sigurtà ġdid u sod għall-infrastrutturi kritiċi tal-UE sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet eżistenti biex tingħata tweġiba xierqa lir-riskji, lit-theddid u lill-evoluzzjoni teknoloġika;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji dispożizzjonijiet biex tiżgura l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-integrità tan-nukleu pubbliku tal-internet u, għalhekk, l-istabbiltà taċ-ċiberspazju, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-UE għas-sistema ta' roots globali tad-DNS; iqis li tali dispożizzjonijiet għandhom jinkludu miżuri għad-diversifikazzjoni tal-fornituri biex jittaffa r-riskju attwali ta' dipendenza mill-ftit kumpaniji li jiddominaw is-suq; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal Sistema Ewropea ta' Ismijiet ta' Dominji (DNS4EU) bħala għodda għal nukleu tal-internet aktar reżiljenti; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kif din id-DNS4EU tista' tuża l-aħħar teknoloġiji, protokolli tas-sigurtà u għarfien espert dwar it-theddid ċibernetiku sabiex toffri sistema DNS veloċi, sikura u reżiljenti għall-Ewropej kollha; ifakkar fil-ħtieġa ta' protezzjoni aħjar tal-Border Gateway Protocol (BGP) sabiex jiġi evitat id-dirottament tal-BGP; ifakkar fl-appoġġ tiegħu favur mudell multilaterali tal-governanza tal-internet, li fl-ambitu tiegħu ċ-ċibersigurtà għandha tirrappreżenta wieħed mis-suġġetti ewlenin; jissottolinja li l-UE għandha tħaffef l-implimentazzjoni tal-IPv6; jirrikonoxxi l-mudell ta' sors miftuħ li, bħala l-bażi għall-funzjonament tal-internet, wera li huwa effiċjenti u effikaċi; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-użu tiegħu;

11.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiżdied il-forensika fil-qasam taċ-ċibersigurtà għall-ġlieda kontra l-kriminalità, iċ-ċiberkriminalità u l-attakki ċibernetiċi, inklużi attakki sponsorizzati mill-Istat, iżda jwissi kontra miżuri sproporzjonati li jipperikolaw il-privatezza u l-libertà tal-kelma taċ-ċittadini tal-UE waqt li jużaw l-internet; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi konkluża r-reviżjoni tat-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità, li għandha l-potenzjal li żżid it-tħejjija kontra ċ-ċiberkriminalità;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jakkomunaw ir-riżorsi tagħhom biex itejbu r-reżiljenza strateġika tal-UE, inaqqsu d-dipendenza tagħha mit-teknoloġiji barranin u biex jixprunaw ir-rwol ta' tmexxija u l-kompetittività tagħha fil-qasam taċ-ċibersigurtà tul il-katina tal-provvista diġitali (inklużi l-ħżin ta' data u l-ipproċessar ta' data fil-clouds, it-teknoloġiji tal-proċessuri, iċ-ċirkwiti integrati (ċipep), il-konnettività ultrasigura, il-computing kwantistiku u l-ġenerazzjoni li jmiss ta' networks);

13.

Iqis li l-pjan għal infrastruttura tal-konnettività ultrasigura huwa strument importanti għas-sigurtà tal-komunikazzjoni diġitali sensittiva; jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira tal-iżvilupp ta' sistema ta' komunikazzjoni tal-UE globali u sigura bbażata fuq l-ispazju, li tintegra t-teknoloġiji tal-kriptaġġ kwantistiku; ifakkar fil-fatt li għandhom isiru sforzi kontinwi, f'kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), biex jiġu żgurati attivitajiet spazjali Ewropej;

14.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-prattiki ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku u l-inċidenti ċibernetiċi ma ġewx imħaddna b'mod adegwat mis-settur privat u dak pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-fiduċja u jnaqqsu l-ostakli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi fil-livelli kollha; jilqa' l-isforzi li saru minn xi setturi u jitlob kollaborazzjoni transettorjali peress li l-vulnerabbiltajiet rarament ikunu speċifiċi għal settur partikolari; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġ li jingħaqdu flimkien fil-livell Ewropew, sabiex jaqsmu b'mod effiċjenti l-aħħar għarfien tagħhom dwar ir-riskji taċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ il-formazzjoni ta' Grupp ta' Ħidma tal-Istati Membri dwar l-Intelligence Ċibernetika, sabiex titrawwem il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-UE u fiż-Żona Ekonomika Ewropea, b'mod partikolari, biex jiġu evitati attakki ċibernetiċi fuq skala kbira;

15.

Jilqa' favorevolment il-ħolqien ippjanat ta' Ċiberunità Konġunta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-UE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-prevenzjoni tal-attakki ċibernetiċi, id-dissważjoni minnhom u r-risposta għalihom; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jqawwu l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ċibernetika u jiżviluppaw riċerka fil-kapaċitajiet tad-difiża ċibernetika tal-aktar teknoloġija moderna;

16.

Ifakkar fl-importanza tal-fattur uman fl-istrateġija għaċ-ċibersigurtà; jitlob li jsiru sforzi kontinwi biex tinfirex is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, inklużi l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu ċibernetiku;

17.

Jenfasizza l-importanza ta' qafas ta' sigurtà robust u konsistenti biex jipproteġi l-persunal, id-data, in-networks ta' komunikazzjoni u s-sistemi ta' informazzjoni kollha tal-UE, u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet kontra t-theddid ċibernetiku abbażi ta' regoli komprensivi, konsistenti u omoġenji u governanza adegwata; jitlob li jkun hemm biżżejjed riżorsi u kapaċitajiet disponibbli, inkluż fil-kuntest tat-tisħiħ tal-mandat tal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) u fir-rigward tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar id-definizzjoni ta' regoli komuni fil-qasam taċ-ċibersigurtà vinkolanti għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji kollha tal-UE;

18.

Jitlob l-użu usa' ta' ċertifikazzjoni volontarja u ta' standards fil-qasam taċ-ċibersigurtà, peress li dawn jirrappreżentaw strumenti importanti biex jittejjeb il-livell ġenerali taċ-ċibersigurtà; jilqa' pożittivament l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni u l-ħidma tal-Grupp Ewropew għaċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà; jistieden lill-ENISA u lill-Kummissjoni jikkunsidraw, meta jippreparaw l-Iskema tal-UE taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà għas-Servizzi ta' Cloud, billi jagħmlu l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni obbligatorja fir-rigward tal-livell ta' garanzija “għoli”;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi sodisfatta d-domanda ta' ħaddiema fis-settur taċ-ċibersigurtà billi tkun eliminata d-diskrepanza fil-ħiliet permezz tat-tkomplija tal-isforzi f'dawk li huma edukazzjoni u taħriġ; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi eliminata d-disparità bejn il-ġeneri, li hija preżenti wkoll f'dan is-settur;

20.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' appoġġ aħjar għall-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju biex iżidu l-fehim tagħhom tar-riskji kollha għas-sigurtà tal-informazzjoni u l-opportunitajiet biex itejbu ċ-ċibersigurtà tagħhom; jistieden lill-ENISA u lill-awtoritajiet nazzjonali jiżviluppaw portali ta' awtottestjar u gwidi tal-aħjar prattika għall-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; ifakkar fl-importanza tat-taħriġ u tal-aċċess għal finanzjamenti ddedikati għas-sigurtà ta' dawn l-entitajiet;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

(2)  ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

(3)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(6)  ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0359.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2021)0098.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2021)0261.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2021)0026.

(12)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 2.

(13)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri Sfidi għal politika effettiva tal-UE fil-qasam taċ-ċibersigurtà, dokument informattiv u analitiku, Marzu 2019.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/86


P9_TA(2021)0287

Is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 (UE, Euratom) dwar il-Kondizzjonalità

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament 2020/2092 dwar il-kondizzjonalità (UE, Euratom) (2021/2711(RSP))

(2022/C 67/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2, 3(1), 4(3), 6, 7, 13, 14(1), 16(1), 17(1), 17(3), 17(8), 19(1) it-tieni subparagrafu u l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll l-Artikoli 265, 310, 317 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (1) (“ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt (2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt (3),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 (COM(2020)0580),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-21 ta' Lulju 2020 u fil-11 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (4),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-QĠUE tat-3 ta' Ġunju 2021 fil-Kawża C-650/18 li tiċħad l-azzjoni tal-Ungerija kontra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2018 li tiskatta l-proċedura għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 7(1) TUE rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, kif minquxa fl-Artikolu 2 TUE;

B.

billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju, iżda għandu impatt ukoll fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom, u fuq in-natura nnifsha tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;

C.

billi l-Artikolu 7(1) TUE ġie skattat mill-Kummissjoni u l-Parlament fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija, rispettivament, wara d-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni; billi s'issa l-Kunsill organizza tliet seduti ta' smigħ tal-Polonja u żewġ seduti ta' smigħ tal-Ungerija fi ħdan il-qafas tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali;

D.

billi r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u ilu applikabbli minn dak iż-żmien;

E.

billi l-applikabbiltà, l-għan u l-ambitu tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huma definiti b'mod ċar fih u, b'konformità mal-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni “għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati fl-ambitu tagħhom mill-istituzzjonijiet”;

F.

billi l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt ma tistax tkun soġġetta għall-adozzjoni ta' linji gwida, u jfakkar li kwalunkwe linji gwida ma għandhomx jimminaw il-ħsieb tal-koleġiżlaturi;

G.

billi, f'konformità mal-Artikolu 234 TFUE, il-Parlament Ewropew għandu d-dritt li jivvota dwar mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni;

H.

billi l-Kummissjoni “għandha tkun kompletament indipendenti”, u l-membri tagħha “la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi Gvern jew minn istituzzjoni, korp, uffiċju jew entità oħra” (l-Artikolu 17(3) TUE, l-Artikolu 245 TFUE) u barra minn hekk “għandha tkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew” (l-Artikolu 17(8) TUE) u “għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u tal-miżuri adottati fl-ambitu tagħhom mill-istituzzjonijiet” (l-Artikolu 17(1) TUE);

I.

billi l-QĠUE biss għandha s-setgħa li tannulla r-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt jew ta' kwalunkwe parti minnu, u billi l-azzjonijiet imressqa quddiem il-QĠUE ma għandhomx effett sospensiv skont l-Artikolu 278 TFUE;

J.

billi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti f'konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati tal-Unjoni, b'mod partikolari l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba minqux fl-Artikolu 317 TFUE u fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (7) (ir-Regolament Finanzjarju);

1.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u li huwa direttament applikabbli fl-intier tiegħu fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri kollha tagħha għall-fondi kollha tal-baġit tal-UE, inklużi r-riżorsi allokati permezz tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru minn dak iż-żmien 'l hawn;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex finalment jirrikonoxxu l-ħtieġa urġenti għal azzjoni biex jiddefendu l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 TUE u biex jammettu li Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu, inklużi d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, b'tali mod li jwassal għal tnaqqis fil-protezzjoni ta' dawn il-valuri; jemmen li l-kooperazzjoni sinċiera reċiproka bejn l-istituzzjonijiet tiġi mminata jekk it-tħassib tal-Parlament ma jiġix kondiviż u kkunsidrat bis-sħiħ; ifakkar li l-Parlament għandu d-dritt li jivvota dwar mozzjoni ta' ċensura tal-Kummissjoni u għandu l-possibilità li jirreaġixxi għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Kunsill; jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jaħdmu flimkien minflok ma jostakolaw l-isforzi biex tissolva l-kriżi attwali;

3.

Ifakkar li skont l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt, “il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji”; jemmen li s-sitwazzjoni rigward ir-rispett għall-prinċipji tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri teħtieġ l-użu immedjat tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirreaġixxi malajr għall-ksur serju kontinwu tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri, li qed jikkawżaw periklu serju fir-rigward tad-distribuzzjoni ġusta, legali u imparzjali tal-fondi tal-UE, speċjalment taħt ġestjoni kondiviża, u biex twettaq analiżi bir-reqqa tal-ħtieġa li tiskatta, mingħajr dewmien żejjed, il-proċedura prevista fir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex minnufih tissodisfa l-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament biex tinforma kif xieraq lill-Parlament dwar kwalunkwe notifika bil-miktub lill-Istati Membri kkonċernati, li tistabbilixxi l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi għall-ksur tal-istat tad-dritt, jew dwar kwalunkwe investigazzjoni li tkun għaddejja; jinnota li sal-lum, il-Parlament għadu ma rċieva l-ebda informazzjoni simili dwar xi notifika;

5.

Jisħaq fuq it-tħassib tiegħu dwar l-indikazzjonijiet dejjem aktar ċari u dwar ir-riskju dejjem jikber ta' użu ħażin tal-baġit tal-Unjoni bħala mezz biex jiġi deterjorat l-istat tad-dritt f'ċerti Stati Membri; jiddispjaċih dwar l-inabbiltà tal-Kunsill li jwettaq progress sinifikanti fl-infurzar tal-valuri tal-Unjoni fil-proċeduri tal-Artikolu 7 li għaddejjin bħalissa b'rispons għat-theddid għall-valuri komuni Ewropej fil-Polonja u fl-Ungerija; jirrimarka li dan in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jagħmel użu effettiv mill-Artikolu 7 TUE qed ikompli jdgħajjef l-integrità tal-valuri komuni Ewropej, il-fiduċja reċiproka u l-kredibilità tal-Unjoni kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-presidenzi li ġejjin biex jorganizzaw seduti ta' smigħ regolari; jirrakkomanda lill-Kunsill jindirizza rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, kif minqux fl-Artikolu 7(1) TUE, bħala segwitu għas-seduti ta' smigħ, u li jindika skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

6.

Jissottolinja li minkejja diversi riżoluzzjonijiet u rapporti tal-Parlament Ewropew u diversi proċedimenti ta' ksur u deċiżjonijiet tal-QĠUE, is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea qed tkompli tiddeterjora;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha disponibbli għaliha, inkluż ir-regolament, biex tindirizza l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali kullimkien fl-Unjoni, inklużi l-attakki kontra l-libertà tal-midja u l-ġurnalisti, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-Awla Manja tal-QĠUE li tiċħad l-azzjoni tal-Ungerija kontra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2018 li tiskatta l-proċedura tal-Artikolu 7; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kapaċità tal-Kummissjoni li tirrispondi b'mod xieraq għall-bosta tħassib espress mill-Parlament dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali f'diversi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż l-Artikolu 7 TUE, il-Qafas tal-Istat tad-Dritt u l-proċeduri ta' ksur skont l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll strumenti ulterjuri, bħal proċeduri mħaffa, applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-QĠUE u azzjonijiet rigward in-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti; jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara b'mod espliċitu r-raġunijiet tagħha meta tiddeċiedi li ma tużax l-għodod rakkomandati mill-Parlament;

8.

Jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġata u msaħħa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jilqa' l-fatt li l-UPPE sar operattiv fl-1 ta' Ġunju 2021;

9.

Jissottolinja li r-rapport annwali dwar l-istat tad-dritt huwa għodda separata komplementari għar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt; jistieden lill-Kummissjoni tuża s-sejbiet tar-rapport annwali fil-valutazzjoni tagħha għall-finijiet tar-regolament; jitlob lill-Kummissjoni sabiex fir-Rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt tinkludi taqsima ddedikata b'analiżi tal-każijiet fejn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru partikolari jista' jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa b'mod serju l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett;

10.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma bagħtet l-ebda notifika bil-miktub lill-Istati Membri mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, minkejja ħafna tħassib dwar il-ksur tal-istat tad-dritt identifikat fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt, kif ukoll l-eżistenza ta' żewġ proċeduri dwar l-Artikolu 7 li għadhom għaddejjin, li għandu impatt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u jibqa' mhux solvut mill-Istati Membri; jinnota li n-nuqqas ta' azzjonijiet skont l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tar-Regolament jikkostitwixxi rifjut mill-Kummissjoni li jiġu ssodisfati l-obbligi tiegħu skont dan;

11.

Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità tal-istat tad-dritt, il-Parlament ta skadenza konkreta lill-Kummissjoni, u jinnota b'diżappunt li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi tagħha sa din l-iskadenza; jisħaq fuq il-fatt li dan jikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex tittieħed azzjoni legali kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 265 TFUE;

12.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tirrispondi għat-talbiet tal-Parlament sal-1 ta' Ġunju 2021 u li tattiva l-proċedura stabbilita fir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt fl-aktar każijiet ovvji ta' ksur tal-istat tad-dritt fl-UE; jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jistieden lill-Kummissjoni, fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni, abbażi tal-Artikolu 265 TFUE, biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament; jiddikjara li, biex ikun imħejji, il-Parlament, sadanittant, għandu jibda minnufih it-tħejjijiet meħtieġa għal possibbiltà ta' proċedimenti tal-qorti skont l-Artikolu 265 TFUE kontra l-Kummissjoni;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

(1)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0103.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0360.

(4)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 66.

(5)  Sentenza tat-3 ta' Ġunju 2021, L-Ungerija vs Il-Parlament, C-650/18, ECLI:EU:C:2021:426.

(6)  ĠU C 129, 5.4.2019, p. 13.

(7)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/90


P9_TA(2021)0288

L-iskrutinju tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-fehmiet tal-Parlament dwar il-valutazzjoni li qed issir mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (2021/2738(RSP))

(2022/C 67/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (1) (ir-Regolament dwar l-RRF),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi ir-Regolament dwar l-RRF ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

B.

billi l-RRF huwa strument mingħajr preċedent f'termini ta' volum u mezzi ta' finanzjament; billi l-Kummissjoni qed tipprepara biex toħroġ dejn komuni tal-UE, peress li l-Istati Membri tal-UE issa kollha rratifikaw b'suċċess id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (3);

C.

billi l-investiment ekoloġiku taħt l-RRF se jkun iffinanzjat mill-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;

D.

billi l-kontroll demokratiku u l-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-RRF huma possibbli biss bl-involviment sħiħ tal-Parlament u l-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tiegħu fl-istadji kollha;

E.

billi l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiżgura trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar u biex il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni lill-Parlament dwar, fost affarijiet oħra, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri u l-valutazzjoni tagħhom;

F.

billi l-Parlament jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet taħt l-irkupru u r-reżiljenza, inkluż permezz ta' riżoluzzjonijiet u skambji mal-Kummissjoni; billi l-Kummissjoni għandha tqis dawn il-fehmiet;

G.

billi r-Regolament dwar l-RRF jidentifika sitt oqsma ta' interess Ewropew, li kollha kemm huma jirrappreżentaw il-kamp ta' applikazzjoni u l-objettiv tal-istrument;

H.

billi r-Regolament dwar l-RRF huwa bbażat fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jistabbilixxi li l-objettiv ġenerali huwa li jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 174 sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jtejjeb ir-reżiljenza, it-tħejjija għall-kriżijiet, il-kapaċità ta' aġġustament u l-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri, billi jtaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, b'mod partikolari fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ, u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika, jikkontribwixxi għall-kisba tal-miri klimatiċi aġġornati tal-Unjoni għall-2030 fil-Liġi tal-UE dwar il-Klima l-ġdida u jikkonforma mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 – b'mod partikolari permezz tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima adottati fil-qafas tal-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika stabbilita mir-Regolament (UE) 2018/1999 (4) u tat-tranżizzjoni diġitali, – u b'hekk jikkontribwixxi għal konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq, ir-restawr u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-Unjoni, irawwem il-ħolqien ta' impjieg ta' kwalità għolja, u jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni flimkien ma' ekonomija miftuħa u jiġġenera valur miżjud Ewropew;

I.

billi matul is-Summit Soċjali ta' Porto li sar fis-7 u t-8 ta' Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala element fundamentali tal-irkupru u billi fid-dikjarazzjoni ta' Porto huma ssottolinjaw id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

J.

billi l-objettiv speċifiku tal-RRF huwa li tipprovdi lill-Istati Membri b'appoġġ finanzjarju bil-għan li jiksbu l-istadji importanti u l-miri ta' riforma u investiment stabbiliti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom; billi dan ifisser li l-pjanijiet (inklużi miżuri diġitali u ekoloġiċi) jridu jikkontribwixxu għall-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-konverġenza soċjali 'l fuq;

K.

billi l-valur miżjud Ewropew ma jimmaterjalizzax sempliċiment għax l-RRF hija inizjattiva Ewropea;

L.

billi bħala regola, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni sat-30 ta' April 2021; billi sal-lum, 23 Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni;

M.

billi l-Parlament kellu dibattitu fil-plenarja segwit mill-adozzjoni ta' riżoluzzjoni fit-18 ta' Mejju 2021 dwar id-dritt għall-informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza;

N.

billi sabiex jiġu żgurati sorveljanza demokratika xierqa u skrutinju parlamentari tal-implimentazzjoni tal-RRF, kif ukoll trasparenza akbar u obbligu ta' rendikont demokratiku, il-Kummissjoni jeħtiġilha tinforma regolarment lill-Parlament, bil-fomm u bil-miktub, dwar l-istatus tal-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, inklużi r-riformi u l-investiment relatati mal-kamp ta' applikazzjoni bbażati fuq is-sitt pilastri (inklużi l-objettivi ġenerali u speċifiċi u l-prinċipji orizzontali) u l-11-il kriterju ta' valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF;

1.

Iqis li l-RRF tikkostitwixxi strument storiku tal-UE li jrawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, iġib konverġenza, isaħħaħ il-kompetittività u jgħin lill-Istati Membri jtaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19, jistabbilixxi l-ekonomiji tagħhom fuq trajettorji ta' tkabbir b'saħħithom u sostenibbli, iħejji lill-UE biex tindirizza sfidi fit-tul bħat-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali u jiġġenera valur miżjud tal-UE;

2.

Jistenna li l-Kummissjoni tapprova biss pjanijiet li jissodisfaw għal kollox id-dispożizzjonijiet u l-miri tar-Regolament dwar l-RRF u ma tagħti l-ebda konċessjoni politika li tmur kontra r-regolament u l-ispirtu tiegħu, filwaqt li tibqa' lura mill-fatt li kienet involuta mill-qrib fl-iżvilupp tal-pjanijiet qabel ma jiġu ppreżentati; jitlob li l-Kummissjoni tapplika b'mod metikoluż l-ittra u l-ispirtu tar-Regolament dwar l-RRF fil-proċess ta' valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u tipprovdi valutazzjonijiet profondi u komprensivi qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill; jilqa', madankollu, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-adozzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni rilevanti tal-Kunsill qabel is-sajf, u l-impenn kontinwu tagħha mal-Istati Membri biex tgħinhom ifasslu pjanijiet ta' kwalità għolja li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-objettivi kondiviżi Ewropej tagħna;

3.

Jinsab konvint li l-fondi jridu jitqassmu b'mod ġust mas-setturi, is-soċjetajiet u l-ġenerazzjonijiet futuri biex jiġi żgurat l-ogħla impatt possibbli fuq il-konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq u dik territorjali, il-prosperità għal kulħadd u l-istabbiltà ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti fuq miżuri ta' riforma ambizzjużi bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha u jenfasizza li pjanijiet ambizzjużi u eżekuzzjoni tajba huma essenzjali sabiex isir użu sħiħ minn din l-opportunità; jitlob li jkun hemm trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ fl-allokazzjoni u l-użu tal-fondi; ifakkar li l-RRF ma tridx titqies bħala żamma tal-istatus quo;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk ir-riżorsi tal-RRF humiex qed jaqdu l-objettiv tar-Regolament dwar l-RRF li jsir progress fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiskoraġġixxi l-prattika ta' proġetti ta' ppakkjar mill-ġdid mingħajr valur miżjud reali, b'mod partikolari għar-reġjuni li għadhom lura, speċjalment meta dan jirriskja li jwessa' d-distakk tal-konverġenza soċjali, ekonomika u territorjali tal-UE;

5.

Itenni t-talba tal-Parlament biex jiġi żgurat id-dritt ta' informazzjoni tal-Parlament rigward il-valutazzjoni li għaddejja tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, sabiex ikun jista' jsir skrutinju demokratiku tal-Parlament fir-rigward tal-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tal-RRF mill-Kummissjoni;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa u tiżgura li kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jikkontribwixxi effettivament għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-RRF b'mod komprensiv u bbilanċjat; ifakkar li kull miżura għandha tikkontribwixxi għal wieħed jew aktar mill-oqsma ta' politika ta' rilevanza Ewropea strutturati fis-sitt pilastri;

7.

Jenfasizza li l-pjanijiet iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji, inklużi l-ishma ta' 37 % u 20 % għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, rispettivament, matul il-fażi ta' implimentazzjoni kollha tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-aspett kwalitattiv u kwantitattiv tal-miżuri proposti sabiex tiżgura li dawn effettivament jilħqu kemm il-miri kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi, inkluż għall-fażi ta' implimentazzjoni;

8.

Ifakkar li skont ir-Regolament dwar l-RRF, l-RRF ma tridx tiffinanzja nefqa nazzjonali rikorrenti, bħal ħelsien permanenti mit-taxxa, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta dan il-kriterju b'mod olistiku;

9.

Jinnota li l-proġetti transfruntiera li jinkludu aktar minn Stat Membru wieħed jiġġeneraw valur miżjud Ewropew għoli u effetti kollaterali u jiddispjaċih li ftit huma l-pjanijiet nazzjonali li fihom proġetti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ b'saħħa lill-Istati Membri jiffaċilitaw proġetti transfruntiera ffinanzjati permezz tal-RRF;

10.

Jinnota li ftit huma l-Istati Membri li għażlu li jitolbu self fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li diġà ġew ippreżentati; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-aħjar użu tas-self disponibbli biex jiġi evitat kwalunkwe telf ta' opportunità; jinsab imħasseb li ammont sinifikanti mis-self jista' jibqa' ma jintużax fi tmiem l-RRF u jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw bir-reqqa l-ħtiġijiet tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu minn din il-possibbiltà meta jissottomettu l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom jew billi jemendawhom;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħtieġa futura possibbli li jiġu emendati l-pjanijiet nazzjonali biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF bi tħejjija għall-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill;

12.

Ifakkar li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-konklużjoni jew tal-infurzar ta' ftehimiet kollettivi jew li tittieħed azzjoni kollettiva f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mad-dritt u l-prattiki tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

13.

Jenfasizza li l-investimenti jrid ikollhom impatt dejjiemi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt ir-riformi u l-investimenti li saru fil-qafas tal-RRF se jippermettu ulterjorment li jingħalaq id-distakk fl-investimenti fl-oqsma kollha fl-Europa, kif stmat mill-Kummissjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tranżizzjoni diġitali u tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali, inkluż il-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs);

Tranżizzjoni ekoloġika

14.

Jenfasizza li f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI għar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet kollha għandhom jiddedikaw mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali (għotjiet u self) tal-pjanijiet individwali għall-klima; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta meta tivvaluta l-mira ta' nfiq ta' 37 % għall-klima biex tiżgura li ma jkunx hemm ittaggjar b'mod doppju, ħażin jew b'mod falz tal-miżuri u biex tipprevjeni l-greenwashing; jinsab imħasseb li xi investimenti huma mmarkati bħala investimenti ekoloġiċi minkejja li mhumiex koperti mill-metodoloġija ta' trekkjar stabbilita fl-Anness VI; jissuġġerixxi li jiġi applikat skrutinju addizzjonali fuq kwalunkwe estensjoni tal-metodoloġija tat-trekkjar klimatiku fl-Anness VI għar-Regolament dwar l-RFF; jinsisti li s-salvagwardji meħtieġa biex tintlaħaq il-mira fil-fażi ta' implimentazzjoni huma inklużi bis-sħiħ fil-miri u l-istadji importanti fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu r-riformi li ser jiffaċilitaw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-investimenti;

15.

Ifakkar li d-dispożizzjonijiet li japplikaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” huma għodda kruċjali biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika, flimkien mar-rekwiżit li tal-anqas 37 % tan-nefqa (għotjiet u self) fuq l-investimenti u r-riformi li jinsabu f'kull pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandha tappoġġja l-objettivi klimatiċi, u biex jiġi evitat il-finanzjament ta' miżuri li jikkontradixxu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni; ifakkar li l-miżuri kollha jridu jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 (5), kif meħtieġ skont ir-Regolament dwar l-RRF; jinsab imħasseb, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' konformità ma' dan il-prinċipju fil-valutazzjoni tal-pjanijiet u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-rispett sħiħ tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, inkluż matul il-fażi ta' implimentazzjoni, u tippubblika l-valutazzjonijiet relatati kollha; jinsisti li l-implimentazzjoni tal-RRF ma tista' twassal għal ebda tnaqqis tal-istandards ambjentali jew tmur kontra l-liġijiet u r-regolamenti ambjentali; jenfasizza f'dan ir-rigward it-tħassib dwar l-impatt negattiv potenzjali tal-operazzjonijiet f'żoni sensittivi għall-bijodiversità jew qribhom (inkluż in-network Natura 2000 ta' żoni protetti, is-siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u ż-Żoni ta' Bijodiversità Ewlenin, kif ukoll żoni protetti oħrajn);

16.

Ifakkar li, filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-telf drammatiku tal-bijodiversità, l-RRF għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika ħarsa ġenerali tal-miżuri li jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-miżuri relatati mal-bijodiversità elenkati li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-bijodiversità fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jinsab imħasseb li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fihom miżuri limitati ħafna jew saħansitra l-ebda miżura favur il-bijodiversità; jistenna li l-Kummissjoni tapplika b'mod riġidu l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” f'dak ir-rigward ukoll, u b'mod partikolari tirrifjuta riformi jew investimenti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bijodiversità jew li ma jkunux akkumpanjati minn miżuri adegwati ta' akkumpanjament;

17.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jiffukaw fuq investimenti fuq terminu qasir; jappoġġja l-investimenti ekoloġiċi li jwasslu għat-trasformazzjoni ekonomika tal-Ewropa u, b'mod partikolari dawk li ma jissussidjawx eċċessivament ix-xiri ta' prodotti ta' konsum durabbli;

It-trasformazzjoni diġitali

18.

Jenfasizza li, bi qbil mar-Regolament dwar l-RRF, il-pjanijiet kollha għandu jkollhom miżuri li jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tranżizzjoni diġitali jew jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minnha, u li jikkostitwixxu ammont li jirrappreżenta mill-inqas 20 % ta' allokazzjoni totali tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, abbażi tal-metodoloġija u d-dispożizzjonijiet imniżżla fir-Regolament dwar l-RRF;

19.

Ifakkar li għall-investimenti fil-kapaċitajiet u l-konnettività diġitali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-pjanijiet tagħhom, awtovalutazzjoni tas-sigurtà bbażata fuq kriterji oġġettivi komuni li jidentifikaw kwalunkwe kwistjoni ta' sigurtà, u li jagħtu dettalji dwar kif dawk il-kwistjonijiet ser jiġu indirizzati biex jikkonformaw mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali kollha li fihom tali investimenti jipprovdu tali valutazzjoni u li l-miżuri rispettivi ma jmorrux kontra l-interessi strateġiċi tal-Unjoni;

20.

Jemmen li l-azzjonijiet diġitali għandhom potenzjal kbir biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE internazzjonalment u joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja, u jinsab imħasseb li hemm pjanijiet nazzjonali li ma jiksbux bilanċ adegwat f'termini ta' investimenti fit-trasformazzjoni diġitali, u b'mod partikolari fl-infrastruttura diġitali;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaderixxu bis-sħiħ mal-prinċipji tal-interoperabbiltà, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll jippromwovu l-użu ta' soluzzjonijiet b'sors miftuħ fl-investimenti diġitali;

Spinta lit-tkabbir, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-prosperità għal kulħadd

22.

Jilqa' partikolarment il-miżuri fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ppreżentati biex jappoġġaw it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, il-koeżjoni ekonomika, il-produttività, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-saħħa u suq uniku li jiffunzjona tajjeb b'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) b'saħħithom, isaħħu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, jiġġieldu l-faqar u l-inugwaljanza, jippromwovu l-kultura u l-edukazzjoni, jiżviluppaw il-kompetenzi u l-ħiliet, jappoġġaw lit-tfal u liż-żgħażagħ, iżidu t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kapaċità ta' rispons għall-kriżijiet, u jimmitigaw l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomija;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jagħtux attenzjoni adegwata lill-miżuri għat-tfal u ż-żgħażagħ u tiżgura li jagħmlu dan, speċjalment fil-pajjiżi fejn ġew identifikati problemi strutturali f'oqsma bħat-tluq bikri mill-iskola, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar fost it-tfal u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jinsisti li r-riformi u l-investimenti fiż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk relatati mat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni doppja, il-ħiliet diġitali, it-tagħlim tul il-ħajja, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, il-politiki li jinvestu fl-aċċess u l-opportunità għat-tfal u ż-żgħażagħ u l-politiki li jnaqqsu d-distakk ġenerazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kompetenzi flimkien max-xiri ta’ tagħmir, u għandhom ikunu allinjati mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u miżuri nazzjonali oħrajn; jenfasizza li r-riformi u l-investimenti għat-tfal għandhom ikunu allinjati mal-prinċipji tal-Garanzija għat-Tfal u jiffukaw fuq id-dritt ta' aċċess għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, għall-kura tas-saħħa mingħajr ħlas, għall-edukazzjoni b'xejn, għall-indukrar tat-tfal b'xejn, għal akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata għal kull tifel u tifla li jgħixu fil-faqar;

24.

Jilqa' l-miżuri inklużi fil-pjanijiet, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-inizjattivi tal-UE fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali u jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jridu jikkonformaw b'mod sodisfaċenti mal-kriterji ta' valutazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-konsegwenzi soċjali u l-impatt ta' kull miżura biex tiżgura l-konformità mar-Regolament dwar l-RFF. jinsisti, għalhekk, li l-Kummissjoni tiżgura li kull pjan jirrifletti b'mod adegwat dawn il-kriterji;

25.

Jemmen li l-investimenti ekoloġiċi u diġitali għandhom potenzjal kbir għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inaqqsu l-inugwaljanzi u jnaqqsu d-distakk diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-komunitajiet u r-reġjuni l-aktar vulnerabbli, bħar-reġjuni tal-linjite u l-faħam fi tranżizzjoni u dawk l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima, jibbenefikaw minn investiment ekoloġiku u diġitali; jisħaq fuq il-fatt li r-redditu soċjali u ekonomiku mistenni fuq l-investimenti ekoloġiċi u diġitali għandu jiġi identifikat fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiġi żgurat impatt massimu;

26.

Jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u l-integrazzjoni ta' dawk l-objettivi, jiġu kkunsidrati u promossi matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni kollha tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza; jistenna li l-Kummissjoni sistematikament tiġbor, tanalizza u tirrapporta dwar id-data eżistenti diżaggregata skont is-sessi għall-implimentazzjoni tal-RRF f'konformità mar-Rapport Speċjali 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); jinsab imħasseb ħafna li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza mhumiex qed jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal dawn l-objettivi u jintegrawhom u jonqsu milli jinkludu miżuri espliċiti u konkreti biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri, u b'hekk jirriskjaw li jipperikolaw il-kapaċità ta' dawk il-pjanijiet li jtaffu l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-kriżi fuq in-nisa u li jwieġbu għar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż (CSRs);

27.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, f'termini tal-indirizzar ta' miżuri nazzjonali li jiġġieldu kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa jew l-evitar tat-taxxa jew il-miżuri ineffettivi ta' kontra l-ħasil tal-flus;

28.

Ifakkar li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u proġetti ta' investiment pubbliku permezz ta' pakkett koerenti; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pjanijiet nazzjonali tal-irkupru u tar-reżiljenza jeħtieġu jindirizzaw riformi u investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, li jindirizzaw d-dgħufijiet strutturali fl-ekonomiji tal-Istati Membri u li, għal dan il-għan, il-pjanijiet kollha huma mistennija li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-isfidi kollha identifikati fis-CSR rilevanti, jew f'subsett sinifikanti minnhom, inkluż l-aspetti fiskali tagħhom; jissottolinja li l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom ikunu konsistenti mal-isfidi u mal-prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiż kif identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u allinjati mar-Regolament dwar l-RRF; jenfasizza li l-miżuri kollha, u partikolarment dawk marbuta mat-trasformazzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, jenħtieġu jiġu vvalutati wkoll minn perspettivi ekonomiċi u soċjali; jinsisti li l-Kummissjoni tiddedika attenzjoni partikolari biex tiżgura li r-riformi proposti jkunu ġenwini, ġodda u aktar ambizzjużi, u li jinbdew kemm jista' jkun malajr;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura bilanċ bejn ir-riformi u l-investimenti u l-konsistenza tal-pjanijiet nazzjonali, inklużi riformi ġodda, mal-kisbiet u l-isfidi eżistenti kif identifikati fis-CSR rilevanti;

30.

Jisħaq fuq il-fatt li l-ħolqien u t-trawwim ta' impjiegi ta' kwalità huwa wieħed mill-objettivi inklużi fir-Regolament dwar l-RRF u li dan għandu jsir permezz ta' pakkett kumprensiv ta' riformi u investimenti sabiex jiġu promossi kuntratti stabbli, pagi deċenti, kopertura tan-negozjar kollettiv u limiti minimi ta' protezzjoni soċjali; inklużi pensjonijiet deċenti 'l fuq mis-soll tal-faqar;

31.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mhumiex qed jiġu kkoordinati biżżejjed mal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi tal-UE bħall-InvestEU; jappella għall-ħolqien ta' sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-RRF, il-ftehimiet ta' sħubija, l-InvestEU u azzjonijiet oħra tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-użu tal-kompartiment nazzjonali ta' InvestEU, li jista' jiffavorixxi, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' strumenti ta' appoġġ għas-solvenza għall-SMEs;

32.

Ifakkar lill-Kummissjoni li l-involviment sinifikanti tal-SMEs u tan-negozji ġodda huwa objettiv espliċitu tar-Regolament dwar l-RRF, inkluż fil-proċessi tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fondi tal-RRF ma jibbenefikawx b'mod predominanti l-korporazzjonijiet il-kbar u mhux se jxekklu l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-akbar attenzjoni biex tiżgura li l-SMEs u n-negozji ġodda jibbenefikaw mill-finanzjament tal-RRF, inkluż permezz tal-formulazzjoni ta' stadji importanti u l-gwida kontinwa dwar l-implimentazzjoni tal-programmi fl-Istati Membri; jissuġġerixxi li jinkludu s-sehem tal-fondi tal-RRF li l-benefiċjarji aħħarin tagħhom huma SMEs, fil-monitoraġġ kontinwu, inter alia permezz ta' indikaturi komuni;

Involviment tal-partijiet interessati

33.

Ifakkar li l-Artikolu 18(4)(q) tar-Regolament dwar l-RRF jiddikjara li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jkun fihom “sommarju tal-proċess ta' konsultazzjoni, imwettaq skont il-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti oħra, u kif l-input tal-partijiet interessati huwa rifless fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza”; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonsultaw mal-partijiet interessati nazzjonali kollha u tiżgura l-involviment tagħhom, inkluż dak tas-soċjetà ċivili, tas-sħab soċjali u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u, b'mod partikolari, fil-monitoraġġ tagħhom, sabiex tiżgura li jitwettqu konsultazzjonijiet fir-rigward ta' emendi futuri jew pjanijiet ġodda, jekk ikun hemm;

34.

Ifakkar li l-Artikolu 152 TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali fil-livell tagħha, u jeħtieġ jirrispetta l-awtonomija tagħhom. jissottolinja li l-involviment adegwat tal-partijiet interessati nazzjonali, bħall-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza huwa deċiżiv għas-suċċess tal-pjanijiet nazzjonali u tal-RRF b'mod ġenerali, sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tal-pjanijiet, jiġi żgurat l-assorbiment rapidu, trasparenti, effettiv u kwalitattiv tal-fondi, tiżdied it-trasparenza, u jiġu prevenuti d-duplikazzjoni u d-diskrepanza tal-finanzjament u l-finanzjament doppju; jirrifletti t-tħassib li tqajjem mill-Kumitat tar-Reġjuni u minn partijiet interessati oħrajn u jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri ma involvewx jew involvew biss b'mod inadegwat lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta' abbozzar tal-pjanijiet, kif ukoll in-nuqqas ta' trasparenza ta' dawn il-proċessi minkejja li qed isir affidament fuqhom biex jidderieġu parti kbira mill-fondi tal-RRF; jiddeplora wkoll il-fatt li f'xi każijiet lanqas il-parlamenti nazzjonali ma kienu involuti jew infurmati b'mod xieraq; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu strutturat mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u biex ikollha djalogu dedikat mas-sħab soċjali Ewropej;

Arranġamenti, stadji importanti u miri

35.

Jinsisti li r-riformi u l-investimenti kollha jridu jkunu marbuta ma' stadji importanti, miri u kostijiet li huma rilevanti, ċari, dettaljati u mmonitorjati b'mod xieraq, u b'mod partikolari li jiżguraw konformità sħiħa mar-Regolament dwar l-RRF u mal-acquis tal-UE, li jirrappreżentaw impenji ċari mill-Istati Membri;

36.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li qabel il-valutazzjoni tat-twettiq tal-istadji importanti u l-miri miftiehma fid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Parlament jingħata s-sejbiet preliminari dwar it-twettiq tal-istadji importanti u l-miri, kif meħtieġ mill-Artikolu 25(4) tar-Regolament dwar l-RRF;

37.

Ifakkar lill-Kummissjoni li l-investimenti għandhom jiġu akkumpanjati minn riformi u jistedinha tiżgura li l-miżuri retroattivi approvati kollha jkunu akkumpanjati b'mod ċar minn stadji importanti u miri korrispondenti, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-leġiżlazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jużaw din id-dispożizzjoni b'mod għaqli; itenni li l-RRF hija mfassla biex tappoġġa proġetti li jirrispettaw il-prinċipju tal-addizzjonalità tal-finanzjament tal-Unjoni; jinnota li n-nuqqas ta' proġetti verament addizzjonali ffinanzjati mill-RRF jista' jillimita l-impatt makroekonomiku tagħha;

38.

Jenfasizza li l-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali biex jidderieġu, jimplimentaw jew jimmonitorjaw l-RRF għandhom ikunu adegwati biex jappoġġaw l-impatt dejjiemi tal-miżuri fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza;

Reżiljenza istituzzjonali, governanza, kapaċità amministrattiva u Stat tad-Dritt

39.

Ifakkar li l-RRF u kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt (6) u li l-miżuri stabbiliti f'dawn il-pjanijiet m'għandhomx imorru kontra l-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu 2 TUE; jinsisti li għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ebda proġett jew miżura ma jmorru kontra dawn il-valuri kemm matul il-fażijiet ta' valutazzjoni kif ukoll dawk ta' implimentazzjoni u jitlob li tieħu azzjoni xierqa għal rieżami;

40.

Jissottolinja li s-suċċess tal-RRF u tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jirrikjedi trasparenza u responsabbiltà sodi mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riżorsi tal-QEA, tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jiġi żgurat li għandhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jiġi skrutinizzat dan l-ammont bla preċedent ta' nefqa tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta din is-sena abbozz ta' baġit emendatorju jew talba għal trasferiment biex jittaffew dawn il-ħtiġijiet baġitarji, għal dan il-għan;

41.

Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-RRF għandha titwettaq f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, inklużi l-prevenzjoni effettiva u l-prosekuzzjoni tal-frodi, inkluża l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-konflitti ta' interess u tfittex li jiġi evitat finanzjament doppju mill-RRF jew programmi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fl-istrutturi ta' governanza relatati mal-pjanijiet nazzjonali;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-arranġamenti proposti mill-Istati Membri biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess meta tkun qed tuża l-fondi pprovduti fl-ambitu tal-RRF u tagħti attenzjoni partikolari f'dan il-kuntest biex tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali jinkludu r-riformi kollha meħtieġa, flimkien ma' stadji importanti u miri rilevanti, b'mod partikolari dawk relatati mas-CSRs rilevanti, fejn adatt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa r-riskji għall-interessi finanzjarji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-RRF ta' kwalunkwe ksur jew ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, filwaqt li tagħti attenzjoni dettaljata u partikolari lill-akkwist pubbliku; jistenna li l-Kummissjoni ma tipproċedi bl-ebda pagament fl-ambitu tal-RRF jekk ma jintlaħqux l-istadji importanti marbuta ma' miżuri li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta' interess meta jkunu qed jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-RRF;

43.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta' riforma u investiment, speċjalment f'oqsma li jżidu r-reżiljenza amministrattiva u istituzzjonali u t-tħejjija għall-kriżijiet;

44.

Jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jirreġistraw data dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali kif ukoll l-objettivi, l-ammont u l-post tal-proġetti ffinanzjati mill-RRF f'format elettroniku standardizzat u interoperabbli u jużaw l-għodda unika tal-estrazzjoni tad-data li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-għodda unika għall-estrazzjoni tad-data mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-RRF jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri li jiġbru u jiżguraw l-aċċess għal kategoriji standardizzati ta' data; ifakkar lill-Kummissjoni biex tiżgura dawk l-obbligi għall-fini ta' awditjar u kontroll u biex tipprovdi informazzjoni komparabbli dwar l-użu ta' fondi fir-rigward ta' miżuri għall-implimentazzjoni ta' riformi u proġetti ta' investiment fil-qafas tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' reżiljenza; ifakkar ukoll lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-benefiċjarji finali u li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa biex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju;

Valutazzjoni tal-Parlament dwar l-atti delegati

45.

Jisħaq fuq il-fatt li l-abbozz ta' atti delegati sussegwenti għar-Regolament dwar l-RRF partikolarment l-att delegat dwar it-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza u l-att delegat li jistabbilixxi indikaturi komuni għar-rappurtar dwar il-progress tal-faċilità u l-metodoloġija għar-rappurtar tan-nefqa soċjali ma jissodisfawx l-aspettattivi tal-Parlament u jeħtieġ li jitqiesu l-elementi rilevanti tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-iskeda ta' żmien għall-approvazzjoni tal-atti delegati sussegwenti għar-Regolament dwar l-RRF;

46.

Jenfasizza l-importanza li jintlaħaq qbil dwar metodoloġija ta' traċċar soċjali biex il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jiġu evalwati, biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet jikkontribwixxu għall-objettivi soċjali hekk kif stabbiliti fir-Regolament dwar l-RRF; jemmen li l-metodoloġija ta' traċċar soċjali jeħtieġ issegwi l-istruttura tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tanalizza l-kontribut għaliha;

47.

Jiddikjara li t-tabella ta' valutazzjoni u l-indikaturi komuni meħtieġa biex jiġi evalwat il-progress tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza f'kull wieħed mis-sitt pilastri lejn l-ilħiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi jeħtieġ li jkunu effiċjenti; jinsisti li l-aħjar mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jiġi segwit il-progress fiż-żieda fil-konverġenza soċjali hija t-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali; Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-indikaturi soċjali mit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, b'mod partikolari dawk relatati max-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet indaqs, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali robusti u l-mobilità ġusta, fl-indikaturi komuni li għandhom jintużaw fl-RRF għar-rapportar dwar il-progress soċjali u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet, kif ukoll fil-metodoloġija għall-intraċċar soċjali, inkluż għall-Garanzija għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li l-Parlament se janalizza mill-qrib l-atti delegati li l-Kummissjoni se tippreżenta dwar din il-kwistjoni, biex jistabbilixxi jekk l-indikaturi soċjali, it-tabella ta' valutazzjoni u l-metodoloġija soċjali jikkonformawx mal-objettivi, u jivverifika li m'hemmx oġġezzjonijiet xi jsiru;

Konklużjonijiet

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet ippreżentati b'mod adegwat u f'konformità mar-Regolament dwar l-RRF; jesprimi tħassib serju dwar il-konformità ta' diversi miżuri fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-RRF sottostanti u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-elementi kollha fil-pjanijiet kollha jkunu konformi bis-sħiħ mar-Regolament dwar l-RRF;

49.

Ifakkar fit-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar l-RRF li tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-RRF u li tqis kwalunkwe element li jista' jinqala' mill-fehmiet espressi permezz tad-djalogu dwar l-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-fehmiet ikkomunikati mill-kumitati rilevanti u dawk fir-riżoluzzjonijiet plenarji; jilqa' l-isforzi mtejba tal-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni adegwata matul laqgħat regolari mal-Parlament;

50.

Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura li l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkun fihom dispożizzjonijiet li jiżguraw li r-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni ta' finanzjament xierqa li tgħid “iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea – NextGenerationEU”;

51.

Jilqa' t-tweġibiet bil-miktub tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Parlament kif ukoll it-traduzzjoni awtomatika tal-pjanijiet nazzjonali, u jistenna li jirċievi tweġibiet għat-talbiet futuri kollha ta' informazzjoni, bħall-matriċi dwar il-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali; itenni l-aspettattiva tal-Parlament li l-informazzjoni tiġi pprovduta f'format ċar u komparabbli fil-ħin;

52.

Ifakkar lill-Kunsill li, partikolarment fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni, “l-eżiti rilevanti tad-diskussjonijiet li jsiru fil-korpi preparatorji tal-Kunsill għandhom jiġu kondiviżi mal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew”;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi approċċ miftuħ, trasparenti u kostruttiv matul id-djalogi dwar l-irkupru u r-reżiljenza;

54.

Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament fl-2020 għal pjan ta' rkupru aktar b'saħħtu u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri jew fondi addizzjonali biex tiġi indirizzata din il-kriżi;

o

o o

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0257.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(4)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

(6)  Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/99


P9_TA(2021)0289

Il-ksur tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-użu tal-minorenni mill-awtoritajiet Marokkini fil-kriżi migratorja f'Ceuta

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-ksur tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-użu tal-minorenni mill-awtoritajiet Marokkini fil-kriżi migratorja f'Ceuta (2021/2747(RSP))

(2022/C 67/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Marokk, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-Ftehim bejn l-UE u l-Marokk (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal (l-Artikoli 3 u 18),

wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali li ġejjin tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari Nru 14,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Marokk tal-1 ta' Ġunju 2021 dwar il-kwistjoni ta' minorenni Marokkini mhux akkumpanjati f'sitwazzjoni illegali f'ċerti pajjiżi Ewropej,

wara li kkunsidra ż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Marokk, il-Kooperazzjoni Afrikana u l-Espatrijati Marokkini tal-31 ta' Mejju 2021 dwar il-kriżi bejn Spanja u l-Marokk,

wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Renju tal-Marokk min-naħa l-oħra (3), li daħal fis-seħħ fl-2000, u s-Sħubija għall-Mobilità tal-2013,

wara li kkunsidra l-kummenti għall-istampa tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà wara l-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Frar 2021 intitolata “Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Aġenda Ġdida għall-Mediterran”, b'mod partikolari l-Kapitolu 4 dwar il-migrazzjoni u l-mobilità (JOIN(2021)0002),

wara li kkunsidra l-Ftehim bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Renju tal-Marokk dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-emigrazzjoni illegali ta' minorenni mhux akkumpanjati, il-protezzjoni tagħhom u r-ritorn miftiehem tagħhom, li ġie ffirmat f'Rabat fis-6 ta' Marzu 2007 u li daħal fis-seħħ fit-2 ta' Ottubru 2012,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tas-27 ta' Marzu 2021 dwar il-wasliet reċenti f'Ceuta, Spanja,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk huma legalment ibbażati fuq il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2000; billi bħala ġar immedjat, il-Marokk huwa sieħeb privileġġjat tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni politika u ekonomika kif ukoll fil-kooperazzjoni kummerċjali, teknika u għall-iżvilupp, kif rifless fl-istrumenti għal dawn l-għanijiet, li jinkludu l-programmi ta' azzjoni annwali, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Programm Ewropa Globali, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Marokk f'Erasmus+, u “status avvanzat” fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat mogħtija fl-2008; billi l-Marokk huwa t-tielet l-akbar benefiċjarju ta' fondi tal-UE fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat;

B.

billi l-kriżi attwali wasslet għal tensjonijiet diplomatiċi bla preċedent bejn il-Marokk, minn naħa waħda, u Spanja u l-UE, min-naħa l-oħra; billi huma x'inhuma l-iskopijiet li jistgħu jkunu wara s-sitwazzjoni maħluqa f'Ceuta, dan l-inċident mhux ġustifikabbli mhux konformi mal-kooperazzjoni u r-relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja li ilhom stabbiliti bejn iż-żewġ naħat, b'mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni; billi r-relazzjonijiet għandhom jiġu salvagwardjati u jiġu ristabbiliti għal dawk ta' qabel il-kriżi permezz ta' relazzjonijiet tajba tal-viċinat u għandhom iservu biex tiġi avvanzata r-relazzjoni ta' benefiċċju reċiproku billi tiġi implimentata l-Aġenda tal-UE għall-Mediterran li hija ġdida u għadha kemm ġiet ippubblikata dan l-aħħar fil-kuntest ta' sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar, li fiha l-Marokk huwa mistieden isaħħaħ is-sħubija tiegħu mal-UE f'diversi oqsma;

C.

billi mis-17 ta' Mejju 2021, seħħet żieda bla preċedent ta' qsim lejn it-territorju Spanjol fejn madwar 9 000 persuna daħlu fil-belt awtonoma Spanjola ta' Ceuta bl-għawm jew bil-mixi wara li l-pulizija Marokkina ffaċilitat temporanjament il-kontrolli fil-fruntieri, fetħet il-bibien tal-ħajt fil-fruntiera tagħhom u ma ħaditx azzjoni biex twaqqaf id-dħul illegali; billi r-rispons umanitarju mill-forzi tas-sigurtà u tal-armata Spanjola, l-NGOs u ċ-ċittadini ta' Ceuta evita li tiġri traġedja ġenwina; billi l-maġġoranza tal-migranti li qasmu illegalment kienu ċittadini Marokkini; billi ċaqliq kbir ta' persuni bħal dan ma jistax jitqies bħala spontanju; billi tal-inqas 1 200 persuna kienu minorenni mhux akkumpanjati u ħafna familji sħaħ; billi wħud mit-tfal kienu qegħdin l-iskola u għaldaqstant ma kellhomx dokumentazzjoni fil-mument li qasmu;

D.

billi fl-1 ta' Ġunju 2021 l-awtoritajiet Marokkini ddeċidew li jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid tat-tfal Marokkini kollha mhux akkumpanjati iżda identifikati u li jinsabu b'mod irregolari fl-Unjoni Ewropea; billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, bosta minnhom diġà ġew irritornati permezz tar-riunifikazzjoni tal-familji u l-assistenza biex jiġu ttraċċati l-familji; billi l-awtoritajiet Spanjoli f'Ceuta stabbilew hotline għar-riunifikazzjoni tat-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati mal-familji tagħhom; billi, madankollu, ħafna mit-tfal għadhom f'bini Spanjol, bħal fil-maħżen ta' Tarajal u fiċ-ċentri ta' akkoljenza tal-migranti ta' Pinier u Santa Amelia, taħt it-tutela tal-belt awtonoma ta' Ceuta, biex issirilhom valutazzjoni tal-identità, taċ-ċirkostanzi personali, tal-vulnerabbiltajiet tagħhom u tar-riskju ta' persekuzzjoni u ħsara irreparabbli; billi l-familji qegħdin ifittxu b'mod disprat it-tfal neqsin tagħhom; billi dan jista' jwassal għal aktar riskji għall-iżvilupp fiżiku, mentali, morali, spiritwali u soċjali tat-tfal, kif minqux fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

E.

billi l-maġġoranza tat-tfal emmnu gideb li stilel tal-futbol kienu ser jilagħbu logħba ta' esibizzjoni bla ħlas fil-belt ta' Ceuta, u li din kienet ħarġa skolastika;

F.

billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-minorenni mhux akkumpanjati u l-benesseri fiżiku u mentali tagħhom; billi huwa għaldaqstant meħtieġ, bir-rikonoxximent u l-faċilitazzjoni mill-awtoritajiet kollha kkonċernati, li dawn it-tfal jiġu rikonoxxuti u, b'kooperazzjoni xierqa u msaħħa, li jinstabu l-ġenituri jew il-qraba tagħhom u li dawn jerġgħu lura għand il-familji tagħhom b'mod sikur kif meħtieġ mid-dritt internazzjonali, billi huma ma ħallewx il-familji tagħhom intenzjonalment; billi fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' tutela tagħhom għal minorenni mhux akkumpanjati, b'mod partikolari billi jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-Network Ewropew tat-Tutela; billi skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-pajjiżi ospitanti jeħtiġilhom jiggarantixxu d-drittijiet kollha għat-tfal migranti, inkluż fir-rigward tal-kontroll fil-fruntieri u r-ritorn;

G.

billi l-kriżi ġiet ikkawżata mill-Marokk minħabba kriżi politika u diplomatika wara li l-mexxej tal-Front Polisario, Brahim Ghali, iddaħħal fi sptar Spanjol għal raġunijiet umanitarji minħabba l-istat ta' saħħtu kkawżata mill-virus tal-COVID-19; billi fit-2 ta' Ġunju 2021, il-mexxej tal-Front Polisario wasal fl-Alġerija;

H.

billi d-dikjarazzjonijiet uffiċjali maħruġa mill-Marokk fil-31 ta' Mejju 2021 enfasizzaw li l-kriżi bilaterali ma kinitx relatata mal-kwistjoni tal-migrazzjoni; billi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Marokk għall-ewwel irrikonoxxa li r-raġunijiet tal-kriżi tad-dħul massiv ta' eluf ta' persuni, inklużi tfal, kienu jirrisjedu fil-fatt li Spanja laqgħet lill-mexxej tal-Front Polisario; billi f'dikjarazzjoni uffiċjali oħra maħruġa aktar tard, l-awtoritajiet Marokkini rrikonoxxew li r-raġuni vera kienet il-pożizzjoni allegatament ambigwa ta' Spanja dwar is-Saħara tal-Punent;

I.

billi fil-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Mejju 2021, il-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħhom għal Spanja u enfasizzaw li l-fruntieri Spanjoli huma fruntieri esterni tal-UE; billi s-sitwazzjoni f'Ceuta ġiet diskussa wkoll fil-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta' Mejju 2021, fejn ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà esprima solidarjetà sħiħa ma' Spanja u appoġġ għaliha f'isem l-UE; billi d-dritt internazzjonali u l-prinċipju tas-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tal-istat iridu jiġu rispettati;

J.

billi l-mandat ta' negozjar għall-konklużjoni ta' ftehim ta' riammissjoni mal-Marokk ingħata mill-Kunsill lill-Kummissjoni fis-sena 2000; billi sal-ġurnata tal-lum, l-ebda ftehim bħal dan ma ġie ffinalizzat u adottat;

K.

billi l-awtoritajiet Marokkini għandhom jiffaċilitaw ir-ritorn ta' kważi 13 000 ħaddiem staġonali li jinsabu maqbuda fin-Nofsinhar ta' Spanja li mistennija jirritornaw fil-ġimgħat li ġejjin;

1.

Jirrifjuta l-fatt li l-Marokk juża l-kontroll tal-fruntiera u l-migrazzjoni, u lill-minorenni mhux akkumpanjati b'mod partikolari, bħala pressjoni politika kontra Stat Membru tal-UE; jiddeplora, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni tat-tfal, tal-minorenni mhux akkumpanjati u tal-familji fil-qsim tal-fruntiera bil-massa mill-Marokk lejn il-belt Spanjola ta' Ceuta, filwaqt li jpoġġu l-ħajja u s-sikurezza tagħhom f'riskju ċar; jiddispjaċih dwar l-approfondiment tal-kriżi politika u diplomatika li, la għandha ddgħajjef ir-relazzjonijiet strateġiċi, multidimensjonali u privileġġjati tal-viċinat bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u lanqas il-kooperazzjoni fit-tul u bbażata fuq il-fiduċja fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin u drogi, il-migrazzjoni u l-politiki kummerċjali; iqis li n-nuqqas ta' qbil bilaterali bejn sħab mill-qrib għandu jiġi indirizzat permezz ta' djalogu diplomatiku; jappella għall-kalma wara t-tensjonijiet reċenti, u għal ritorn lejn sħubija kostruttiva u affidabbli bejn l-UE u l-Marokk; itenni l-appoġġ tiegħu għal avvanz f'din ir-relazzjoni abbażi ta' fiduċja reċiproka u rispett; iħeġġeġ lill-Marokk, f'dan ir-rigward, jirrispetta l-impenn dejjiemi tiegħu favur kooperazzjoni msaħħa dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-mobilità tal-migrazzjoni fi spirtu ta' kooperazzjoni u djalogu; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u l-Marokk, li għandha tqis il-ħtiġijiet taż-żewġ sħab b'mod ibbilanċjat u fuq l-istess livell;

2.

Jilqa' l-pass li ħadu l-awtoritajiet Marokkini fl-1 ta' Ġunju 2021 biex jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid tat-tfal kollha mhux akkumpanjati li ġew identifikati u li jinsabu b'mod irregolari fit-territorju tal-Unjoni Ewropea; jistieden lil Spanja u lill-Marokk jaħdmu flimkien mill-qrib biex jagħmlu possibbli r-ripatrijazzjoni tat-tfal lill-familji tagħhom, li għandha tiġi gwidata mill-aħjar interessi tat-tfal u titwettaq f'konformità mal-liġi nazzjonali u ma' dik internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha l-Marokk ilu firmatarju sa mill-1990 u li lilha ratifika darbtejn (f'Ġunju u f'Lulju 1993), flimkien mal-ftehimiet rilevanti li saru bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Marokk, b'mod partikolari l-Ftehim bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Renju tal-Marokk dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali tal-minorenni mhux akkumpanjati, il-protezzjoni tagħhom u r-ritorn tagħhom bi ftehim bejn il-partijiet; ifakkar li l-prinċipju tal-unità tal-familja u d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom dejjem jiġu salvagwardjati; jissottolinja li kooperazzjoni b'saħħitha dwar l-isfidi tal-migrazzjoni hija fl-interess reċiproku tal-UE u tal-Marokk; jistieden lir-Renju tal-Marokk jirrispetta l-impenji tiegħu b'mod effikaċi, peress li huwa kruċjali li jiġi żgurat ir-ritorn sikur tat-tfal lill-familji tagħhom filwaqt li jiġu salvagwardjati d-drittijiet tagħhom skont id-dritt internazzjonali;

3.

Ifakkar li Ceuta hija fruntiera esterna tal-UE li l-protezzjoni u s-sigurtà tagħha jikkonċernaw lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi; jilqa' r-reazzjoni fil-pront tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex toffri riżorsi biex tappoġġja lill-Gvern Spanjol ħalli jgħinuh jilqa' għall-isfidi tal-migrazzjoni li nqalgħu b'konsegwenza ta' din il-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament ta' emerġenza biex tindirizza s-sitwazzjoni f'Ceuta, inkluż il-finanzjament ta' kapaċità ta' kenn addizzjonali għat-tfal mhux akkumpanjati;

4.

Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu maċ-ċittadini ta' Ceuta u jfaħħar ir-reazzjoni effiċjenti u professjonali tal-korpi tas-sigurtà u l-armata Spanjoli fil-belt awtonoma, kif ukoll dik tal-NGOs u taċ-ċittadini ta' Ceuta, talli kampaw mal-kriżi u għenu biex isalvaw għadd kbir ta' ħajjiet; jilqa' l-protezzjoni li l-awtoritajiet Spanjoli taw lit-tfal mhux akkumpanjati f'konformità mal-liġi tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

5.

Itenni l-pożizzjoni konsolidata tal-UE dwar is-Saħara tal-Punent, li hija bażata fuq ir-rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-proċess politiku mmexxi min-NU tal-kisba ta' soluzzjoni negozjata ġusta, dejjiema, paċifika u aċċettabbli b'mod reċiproku miż-żewġ partijiet;

6.

Itenni l-invjolabbiltà tal-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u r-rispett sħiħ u mhux negozjabbli għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tal-UE bħala prinċipju bażiku tal-liġi internazzjonali u bħala prinċipju tas-solidarjetà Ewropea; ifakkar li l-imminar tas-sovranità territorjali tal-Istati Membri ma jistax jiġi ttollerat;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lir-Renju tal-Marokk jikkooperaw u formalment jikkonkludu mill-aktar fis possibbli ftehim ta' riammissjoni bejn l-UE u l-Marokk bis-salvagwardji legali meħtieġa; jinsab konvint li l-kooperazzjoni futura tal-UE mal-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran għandha tkun ibbażata fuq l-objettiv fit-tul li jiġu indirizzati b'mod determinat il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari billi jsaħħu l-iżvilupp ekonomiku, l-investiment u l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' impjiegi, u billi jippromwovu edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal kollha fir-reġjun;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Marokk.

(1)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 292.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2019)0066.

(3)  ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/103


P9_TA(2021)0290

Is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b'mod partikolari l-arresti f'applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b'mod partikolari l-arresti f'applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (2021/2748(RSP))

(2022/C 67/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sri Lanka,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' Frar 2021 bit-titolu “Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, is-sens ta' responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-23 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, is-sens ta' responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka”,

wara li kkunsidra r-Regolamenti Nru 01 tal-2021 ippubblikati fit-12 ta' Marzu 2021 skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tas-Sri Lanka,

wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tul il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-14 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “Żjara fis-Sri Lanka”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Michelle Bachelet, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sri Lanka, tal-24 ta' Frar 2021,

wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Jannar 2020 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea fl-Elezzjoni Presidenzjali tas-Sri Lanka tas-16 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (GSP +) tal-UE, il-programm ta' inċentivi speċjali li tibbenefika minnu s-Sri Lanka,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi s-Sri Lanka għal għexieren ta' snin kienet imxekkla minn gwerra ċivili li ntemmet fl-2009 u matulha twettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem miż-żewġ naħat;

B.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka ilha tiddeterjora gradwalment u l-gvern il-ġdid dari jħott il-progress limitat li nkiseb taħt amministrazzjonijiet preċedenti; billi l-ambitu li fih is-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti jistgħu joperaw fil-pajjiż dari jiċkien;

C.

billi l-Att kontroversjali dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (PTA) ilu fis-seħħ fis-Sri Lanka mill-1979 u jagħti setgħat wiesgħa lill-pulizija biex tfittex, tarresta u żżomm persuni suspettati ċivili; billi s-setgħat estensivi previsti fil-PTA wasslu għal allegazzjonijiet konsistenti u fondati ta' tortura u abbuż sesswali, ammissjonijiet ta' ħtija furzati u ċaħdiet sistematiċi ta' proċess ġust;

D.

billi fl-aktar rapport reċenti tagħha dwar is-Sri Lanka, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tenniet l-appelli għal moratorju fuq l-użu tal-PTA għal arresti ġodda sakemm dan jiġi sostitwit minn leġiżlazzjoni li taderixxi mal-aħjar prattiki internazzjonali;

E.

billi l-Gvern tas-Sri Lanka ħareġ ir-Regolamenti Nru 01 tal-2021 fid-9 ta' Marzu 2021, li mhux talli jespandu l-PTA iżda fost l-oħrajn, jippermettu sentejn ta' detenzjoni mingħajr proċess għat-twettiq ta' “diżarmonija reliġjuża, razzjali jew komunali”;

F.

billi l-PTA intuża sistematikament għal arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta' Musulmani u gruppi ta' minoranza fis-Sri Lanka, inkluż Ahnaf Jazeem, għalliem u poeta Musulman ta' 26 sena, u Hejaaz Hizbullah, avukat magħruf sew li jiddefendi d-drittijiet tal-minoranzi u l-istat tad-dritt;

G.

billi fid-19 ta' Mejju 2017 is-Sri Lanka reġgħet kisbet aċċess għal preferenzi tariffarji ġenerużi fil-qafas tal-GSP +, bil-kundizzjoni li tissostitwixxi l-PTA tagħha u timplimenta b'mod effettiv 27 konvenzjoni internazzjonali, inklużi konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet tħassib dwar il-PTA u nnotat in-nuqqas tas-Sri Lanka li tirrevoka l-att minkejja li tat il-kelma tagħha li tagħmel dan;

H.

billi fl-20 ta' Ottubru 2020 il-Parlament tas-Sri Lanka għadda l-20 Emenda għall-Kostituzzjoni u dan biex isaħħaħ il-presidenza eżekuttiva;

I.

billi kważi 12-il sena minn tmiem il-gwerra, l-inizjattivi domestiċi dwar is-sens ta' responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni ripetutament naqsu milli jipproduċu riżultati, u b'hekk komplew jenfasizzaw l-impunità u jaggravaw in-nuqqas ta' fiduċja li l-vittmi għandhom fis-sistema;

J.

billi hemm sinjali ċari tal-aċċellerazzjoni tal-militarizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern ċivili fis-Sri Lanka; billi mill-2020 'l hawn, mill-inqas 28 membru tal-persunal militari u tal-intelligence ġew maħtura f'karigi amministrattivi importanti; billi dawk il-ħatriet jinkludu mill-inqas żewġ uffiċjali militari għolja li kienu implikati fir-rapporti tan-NU f'allegati delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità matul l-aħħar snin tal-kunflitt; billi ħafna persuni suspettati fil-kustodja tal-pulizija kif ukoll detenuti fil-kumplessi tal-ħabs tas-Sri Lanka nqatlu; billi l-aktar każijiet reċenti jinkludu mwiet fil-kustodja tal-pulizija li ġraw saħansitra f'Mejju 2021; billi 11-il priġunier fil-ħabs ta' Mahara nqatlu u 117 oħra ndarbu meta xi gwardji bdew jisparaw għall-għarrieda biex jikkontrollaw rewwixta li seħħet minħabba l-kundizzjonijiet tal-COVID-19 f'Novembru 2020;

K.

billi l-awtoritajiet fis-Sri Lanka taw sentenzi tal-piena kapitali għal reati relatati mad-droga fl-2019, minkejja l-eżistenza ta' moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż li ilu fis-seħħ sa mill-1976;

1.

Jesprimi tħassib qawwi dwar il-perkors allarmanti tas-Sri Lanka lejn ir-ripetizzjoni ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kif deskritt fl-aħħar rapport tan-NU dwar il-pajjiż, li jelenka, fost is-sinjali ta' twissija bikrija, il-militarizzazzjoni aċċellerata tal-funzjonijiet tal-gvern ċivili, ir-revoka ta' salvagwardji kostituzzjonali importanti, l-ostakolar politiku tas-sens ta' responsabbiltà, ir-retorika tal-esklużjoni, l-intimidazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-użu ta' liġijiet kontra t-terroriżmu;

2.

Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-applikazzjoni kontinwa tal-PTA attwali; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka jwettqu l-impenn tagħhom li jirrieżaminaw u jħassru l-att u jissostitwixxuh b'leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu li taderixxi mal-aħjar prattiki internazzjonali; jappella wkoll għas-sospensjoni immedjata tar-regolamenti dwar id-deradikalizzazzjoni;

3.

Jirrimarka li r-Regolamenti Nru. 01 tal-2021 ma jipprevedux garanziji proċedurali għall-kwalunkwe persuna li tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha hekk kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u li dawn jiksru l-garanziji kostituzzjonali tas-Sri Lanka stess fil-qafas tal-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni tas-Sri Lanka; ifakkar li ċ-ċentri ta' deradikalizzazzjoni, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni, li huma rregolati taħt leġiżlazzjoni simili, fil-passat kienu kkaratterizzati minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u trattament ħażin ieħor, inkluża l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru;

4.

Jesprimi tħassib kbir dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji skont l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu mingħajr proċess ġust u aċċess għall-ġustizzja, inkluż għal attivisti tas-soċjetà ċivili, avukati, kittieba u poeti bħal Hejaaz Hizbullah u Ahnaf Jazeem; jinnota bi tħassib id-detenzjoni ta' Shani Abeysakara, l-ex direttur tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jgħaddi immedjatament lil dawk detenuti minn proċess ġust fuq akkużi validi u, jekk ma jkunx hemm akkużi, jeħlishom mingħajr kundizzjonijiet;

5.

Jiddeplora d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-minoranzi u l-komunitajiet reliġjużi u etniċi fis-Sri Lanka, inklużi l-Musulmani, il-Ħindu, it-Tamil u l-Insara; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jikkundanna mingħajr ekwivoċi d-diskors ta' mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra gruppi reliġjużi u etniċi fil-pajjiż, u jżomm responsabbli lil dawk li jxewxu tali diviżjonijiet, inkluż fi ħdan il-gvern u l-militar;

6.

Jinnota l-adozzjoni tal-Għoxrin Emenda tal-Kostituzzjoni u jesprimi tħassib serju dwar it-tnaqqis li jirriżulta fl-indipendenza tal-ġudikatura, it-tnaqqis fil-kontroll parlamentari u l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-poter mal-presidenza;

7.

Jinnota bi tħassib il-proposta reċenti tal-Gvern tas-Sri Lanka biex tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar id-diżinformazzjoni minkejja t-tħassib imqajjem mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar it-theddid li liġi bħal din tista' toħloq għal-libertà tal-espressjoni; iħeġġeġ lill-pjattaformi online jieħdu passi proattivi biex jimmoderaw iċ-ċirkolazzjoni ta' diskors ta' mibegħda u diżinformazzjoni bis-Sinhaliż u t-Tamil online;

8.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li xi dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Penali tas-Sri Lanka, partikolarment it-taqsimiet 365, 365A u 399, ġew interpretati b'tali mod li jikkriminalizzaw individwi b'orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru differenti;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'urġenza l-finanzjament tagħha għall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità u l-proġett tal-INTERPOL b'appoġġ għas-Sri Lanka dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-Sri Lanka f'ċerti każijiet qed tintuża bħala pretest biex fuqha jiġu ppersegwitati membri ta' gruppi etniċi u reliġjużi u tas-soċjetà ċivili, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-difensuri tal-ambjent u l-ġurnalisti;

10.

Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġi żgurat li l-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali jingħata l-attenzjoni meħtieġa u jirriżulta f'azzjonijiet konkreti, inkluż li tittieħed responsabbiltà għall-għajbien sfurzat u r-reati tal-passat; jiddispjaċih li s-Sri Lanka rtirat mill-impenji li ħadet quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-kuntest tal-isponsorizzazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 dwar il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, ir-responsabbiltà u d-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka, u jħeġġiġha terġa' tidħol f'diskussjonijiet mal-Kunsill, li huwa strumentali biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mal-komunità internazzjonali u jinħoloq proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali bejn il-komunitajiet differenti ta' Sinhaliżi, Tamil, Musulmani, Ħindu u Nsara;

11.

Jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jimpedixxi kwalunkwe xkiel fl-investigazzjoni u l-possibbiltà ta' prosekuzzjoni ta' membri tal-forzi tas-sigurtà akkużati b'abbużi serji b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li għandha ssir investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta' abbużi gravi b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem u delitti tal-gwerra mwettqa matul il-gwerra ċivili minn uffiċjali għoljin minn kull naħa; jitlob lill-Gvern tas-Sri Lanka jtemm il-prattika tal-ħatra ta' kmandanti u ex kmandanti militari implikati f'abbużi serji f'karigi governattivi għoljin;

12.

Jitlob investigazzjoni rigoruża, imparzjali u sħiħa dwar il-bumbardamenti ta' Ħadd il-Għid tal-2019 f'konformità mal-istandards legali internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, li dawk li jkun hemm evidenza ta' ħtija kontrihom jitressqu minnufih quddiem il-ġustizzja, u li dawk li ma jkunx hemm biżżejjed evidenza kontrihom jinħelsu;

13.

Ifakkar li s-SĠP+ toffri l-inċentiv ta' aċċess aħjar għas-suq tal-UE għall-esportaturi tal-pajjiż, bħala forma ta' kumpens għal aktar progress fl-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet; ifakkar li wieħed mill-impenji ewlenin tas-Sri Lanka kien li tallinja bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex tiżgura relazzjoni kummerċjali favorevoli fl-ambitu tas-SĠP+; ifakkar fil-konsegwenzi previsti fir-Regolament dwar is-SĠP (1) f'każ ta' nuqqas persistenti li jiġu adottati u promulgati r-riformi meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, titħassar il-leġiżlazzjoni abbużiva u tinqaleb it-trajettorja attwali ta' ksur dejjem akbar;

14.

Jissottolinja li s-SĠP+ offruta lis-Sri Lanka kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-ekonomija tal-pajjiż u l-esportazzjonijiet lejn l-UE żdiedu għal EUR 2,3 biljun, li renda s-Sri Lanka t-tieni l-akbar suq ta' esportazzjoni tal-UE; jenfasizza l-monitoraġġ kontinwu tal-eliġibbiltà tas-Sri Lanka għall-istatus tas-SĠP+ u jisħaq li l-kontinwazzjoni tal-preferenzi kummerċjali fl-ambitu tas-SĠP+ mhijiex awtomatika; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex, meta jivvalutaw l-eliġibbiltà tas-Sri Lanka għall-istatus tas-SĠP+, jikkunsidraw l-avvenimenti attwali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw is-SĠP+ bħala lieva biex jinsistu fuq il-progress tas-Sri Lanka fl-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem u jitolbu r-revoka jew is-sostituzzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, jivvalutaw bir-reqqa jekk ikunx hemm raġuni suffiċjenti, bħala l-aħħar rimedju, biex tinbeda proċedura għall-irtirar temporanju tal-istatus tas-SĠP+ tas-Sri Lanka u l-benefiċċji li jġib miegħu, u jirrappurtaw lura għand il-Parlament dwar din il-kwistjoni fl-iqsar żmien possibbli;

15.

Jinnota bi tħassib l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni staġnata tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiż; iħeġġeġ lis-Sri Lanka tikkoopera bis-sħiħ mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) biex issaħħaħ id-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-fabbriki, inklużi l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema tal-ħwejjeġ f'żoni kummerċjali speċjali; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jimplimenta u jsaħħaħ b'mod effettiv il-politika nazzjonali dwar l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sri Lanka jadattaw il-Manwal dwar l-Istandards tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet tal-Impjieg tal-Bord tal-Investiment tas-Sri Lanka u jallinjawh mal-istandards internazzjonali, partikolarment mal-Konvenzjonijiet tal-ILO Nri 87 u 98;

16.

Itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-Unjoni Ewropea għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jilqa' t-tkomplija tal-moratorju tas-Sri Lanka fuq il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-gvern jabolixxi l-użu tal-piena kapitali fil-pajjiż;

17.

Jilqa' l-appoġġ li tat l-UE fil-passat għall-isforzi ta' rikonċiljazzjoni u jenfasizza r-rieda tal-UE li tappoġġja lis-Sri Lanka f'dan il-qasam;

18.

Jesprimi tħassib dwar ir-rwol u l-indħil dejjem akbar taċ-Ċina fis-Sri Lanka;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tas-Sri Lanka.

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ir-Regolament dwar is-SĠP) (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/107


P9_TA(2021)0291

L-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala “organizzazzjonijiet mhux mixtieqa” mir-Russja u d-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala “organizzazzjonijiet mhux mixtieqa” mir-Russja u d-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov (2021/2749(RSP))

(2022/C 67/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, fosthom ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 dwar ir-Russja, il-każ ta' Alexei Navalny, l-iskjerament militari fil-fruntiera mal-Ukrajna u l-attakki Russi fir-Repubblika Ċeka (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tartari tal-Krimea (2),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha, b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha dwar id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-Artikolu 11 tagħha dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda u għal-libertà ta' assoċjazzjoni,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 814/2015 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar il-Liġi Federali Russa Nru 129-FZ dwar l-Emendar ta' Ċerti Atti Leġiżlattivi (liġi federali dwar l-attivitajiet mhux mixtieqa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-1 ta' Mejju 2021 dwar l-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi kontra tmien ċittadini tal-UE,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tal-15 ta' Mejju 2021 dwar il-pubblikazzjoni ta' lista tal-hekk imsejħa “Stati ostili”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-27 ta' Mejju 2021 dwar l-elenkar ta' NGOs Ġermaniżi bħala “organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tal-1 ta' Ġunju 2021 dwar id-detenzjoni ta' Andrei Pivovarov,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tal-4 ta' Ġunju 2021 dwar il-liġi dwar l-hekk imsejħa “organizzazzjonijiet estremisti”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Russja tat-3 ta' Ġunju 2021 dwar id-detenzjoni tas-Sur Andrey Pivovarov, Direttur tal-ONG “Open Russia”, illum xolta, abbord ajruplan kummerċjali tal-UE li kien wasal biex jitlaq mill-ajruport ta' San Pietruburgu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-eżerċizzju tal-libertà ta' opinjoni, ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huwa dritt fundamentali minqux fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll f'bosta strumenti legali internazzjonali, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li r-Russja impenjat ruħha li tirrispettahom ilkoll kemm huma; billi s-supremazija tad-dritt internazzjonali tikkostitwixxi obbligu għar-Russja u l-bidliet kostituzzjonali reċenti ma jistgħux jimmodifikaw dan l-obbligu jew joħolqu deroga minnu;

B.

billi dan l-aħħar il-Federazzjoni Russa adottat liġijiet repressivi li wessgħu drastikament il-kriterji li permezz tagħhom l-individwi u l-gruppi jistgħu jiġu ddikjarati bħala “aġenti barranin” u żiedu r-restrizzjonijiet u r-rekwiżiti imposti fuqhom, kif ukoll is-sanzjonijiet għall-ksur tagħhom;

C.

billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) jiżvolġu rwol kruċjali fis-soċjetajiet demokratiċi moderni u jippermettu liċ-ċittadini jikkooperaw bil-għan li jippromwovu diversi għanijiet leġittimi, bħala forma ta' impenn pubbliku neċessarju li jikkomplementa, iħejji u jimmonitorja t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi formali; billi, għaldaqstant, l-NGOs għandhom rwol politiku importanti u, filwaqt li jirrispettaw il-liġi, jeħtiġilhom iżommu l-indipendenza tagħhom minn kwalunkwe interferenza żejda mill-awtoritajiet pubbliċi;

D.

billi l-liġi federali Russa dwar l-attivitajiet mhux mixtieqa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali tippermetti li l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali jitqiesu mhux mixtieqa fit-territorju tal-Federazzjoni Russa; billi l-organizzazzjonijiet iddikjarati mhux mixtieqa mill-awtoritajiet Russi jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni tagħhom bil-projbizzjoni tal-attivitajiet tagħhom u bl-introduzzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi u kriminali marbutin ma' dawn l-attivitajiet; billi din il-liġi ntużat mill-awtoritajiet Russi biex tiffaċilita r-repressjoni tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili attivi fir-Russja;

E.

billi, bl-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet, il-Federazzjoni Russa tat lill-awtoritajiet kontroll kważi totali fuq l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u tat lill-għassies federali Russu tal-midja (Roskomnadzor) is-setgħa li jimblokka r-riżorsi online; billi l-awtoritajiet Russi pprojbew id-dimostrazzjonijiet f'postijiet pubbliċi, illimitaw id-dritt għall-parteċipazzjoni fi protesti individwali u imponew restrizzjonijiet addizzjonali fuq il-ġurnalisti li jkopru dawn il-protesti;

F.

billi, fit-12 ta' Jannar 2021, l-għassies tat-telekomunikazzjoni Russu Roskomnadzor fassal l-ewwel tmien protokolli amministrattivi tiegħu – kollha kontra Radio Free Europe/Radio Liberty – minħabba ksur tal-liġi dwar l-“aġenti barranin”; billi l-leġiżlazzjoni ġiet estiża biex tinkludi reporters individwali; billi sal-lum Roskomnadzor akkuża lil Radio Free Europe/Radio Liberty b'520 każ ta' ksur tar-restrizzjonijiet tiegħu fuq it-tikkettar, li huma mistennija jirriżultaw – ladarba kollha jaslu għal deliberazzjoni mill-qrati Russi – f'multi ta' USD 2,4 miljun; billi, f'Mejju 2021, l-awtoritajiet Russi bdew jissekwestraw proprjetà mill-uffiċċju ta' Radio Free Europe/Radio Liberty f'Moska;

G.

billi l-aħħar liġi adottata mid-Duma tal-Istat u mill-Kunsill tal-Federazzjoni Russa f'Mejju 2021 irrestrinġiet drastikament id-drittijiet u l-libertajiet fir-Russja billi timponi restrizzjonijiet ħorox fuq l-individwi li jikkritikaw lill-gvern u teskludihom milli jipparteċipaw fil-ħajja pubblika u milli joħorġu għall-elezzjonijiet fi kwalunkwe livell, inklużi l-elezzjonijiet parlamentari tal-2021, jekk ikunu ħolqu xi organizzazzjoni li minn issa 'l quddiem din il-liġi tiddikjara bħala “estremista” jew “terroristika”, mexxewha, ħadmu għaliha jew inkella pparteċipaw fl-attivitajiet tagħha;

H.

billi din il-liġi tipprevedi wkoll l-applikazzjoni retroattiva tagħha u hija mmirata lejn il-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Aleksei Navalny, li diġà ġiet iddikjarata bħala “aġent barrani” u li issa tinsab fil-proċess li tiġi ddikjarata bħala “organizzazzjoni estremista”;

I.

billi l-Federazzjoni Russa wessgħet ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi dwar l-“organizzazzjonijiet mhux mixtieqa” billi introduċiet projbizzjoni fuq il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż u assenjat l-istatus ta' “mhux mixtieqa” lill-organizzazzjonijiet meqjusa bħala intermedjarji fi tranżazzjonijiet finanzjarji ma' dawk diġà pprojbiti;

J.

billi l-Federazzjoni Russa ddikjarat bosta NGOs internazzjonali u barranin bħala “mhux mixtieqa”, inklużi l-Istitut Repubblikan Internazzjonali, l-Istitut Demokratiku Nazzjonali, il-Fondazzjoni Nazzjonali għad-Demokrazija u l-Kunsill tal-Atlantiku, ibbażati fl-Istati Uniti, kif ukoll il-Fond Ewropew għad-Demokrazija ffinanzjat mill-UE, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Istudji Politiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kungress Dinji Ukren, l-istabbilimenti tal-midja mmexxija minn Radio Free Europe/Radio Liberty u wkoll bid-deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali Russu tas-26 ta' Mejju 2021 li jelenka tliet NGOs Ġermaniżi (Forum Russischsprachiger Europäer e.V., Zentrum für die Liberale Moderne GmbHDeutsch-Russischer Austausch e.V.) bħala “mhux mixtieqa”;

K.

billi soċjetà ċivili attiva hija komponent kruċjali ta' soċjetà demokratika u miftuħa u hija essenzjali għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

L.

billi d-Duma tal-Istat, bl-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet li jinkludu applikazzjoni immedjata tar-responsabbiltà kriminali, għandha fil-mira tagħha l-moviment ċiviku Open Russia, netwerk favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, li għaldaqstant sab ruħu kostrett li jxolji sabiex jipproteġi lill-attivisti u lis-sostenituri tiegħu minn aktar prosekuzzjonijiet;

M.

billi, fis-27 ta' Mejju 2021, Open Russia ħabbar li se jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu biex jipproteġi lill-persunal u lill-membri tiegħu minn prosekuzzjoni kriminali skont il-leġiżlazzjoni Russa dwar l-“organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”;

N.

billi, fil-31 ta' Mejju 2021, l-ex mexxej tal-moviment Open Russia, Andrei Pivovarov, tneħħa minn fuq ajruplan tal-kumpanija Pollakka LOT li kien qed iħejji biex itir f'San Pietruburgu, ġie detenut b'mod arbitrarju u jumejn wara tqiegħed f'detenzjoni preventiva għal xahrejn fuq akkużi ta' “parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' organizzazzjoni mhux mixtieqa” li għalihom seta' jiffaċċja sa sitt snin il-ħabs; billi Mikhail Iosilevich, attivist minn Nizhny Novgorod, huwa wkoll fost dawk li bħalissa jinsabu sottoposti għal prosekuzzjoni kriminali u qegħdin detenuti fuq l-istess akkużi;

O.

billi dawn l-azzjonijiet iżidu mal-għadd kbir ta' prosekuzzjonijiet kriminali motivati politikament varati mill-Federazzjoni Russa kontra individwi li jesprimu fehmiet kuntrarji jew li ħabbru l-ambizzjonijiet tagħhom li joħorġu għall-elezzjonijiet parlamentari skedati għal Settembru 2021 fir-Russja, bħall-priġunerija ta' Aleksei Navalny, attivist impenjat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u politiku tal-oppożizzjoni, jew is-sentenza sospiża ta' ħames snin mogħtija lil Nikolai Platoshkin, blogger tal-oppożizzjoni tax-xellug u politiku; billi jiġbed l-istess attenzjoni għall-kawżi reċenti kontra Dmitry Gudkov, politiku tal-oppożizzjoni, kontra stabbilimenti tal-midja bħal Radio Free Europe/Radio Liberty, Meduza u VTimes, kif ukoll kontra għadd ta' ġurnalisti, akkużati li huma “aġenti barranin”; billi anke r-rivisti tal-istudenti qed ikunu fil-mira ta' miżuri repressivi; billi, skont iċ-ċentru għad-drittijiet tal-bniedem Memorial, l-awtoritajiet Russi bħalissa qed iżommu f'detenzjoni kważi 400 priġunier politiku bi ksur tal-obbligi tal-Federazzjoni Russa;

P.

billi l-awtoritajiet Russi rażżnu bl-aħrax id-dimostranti paċifiċi li ħarġu fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jappjoġġaw lil Aleksei Navalny u jipprotestaw kontra l-korruzzjoni u l-inġustizzja; billi skont l-organizzazzjoni ta' monitoraġġ Russa OVD-Info, 'il fuq minn 11 000 dimostrant ġew arrestati matul tlett ijiem ta' protesti f'Jannar u Frar, fosthom għexieren ta' ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li kienu qed ikopru jew jimmonitorjaw il-protesti; billi eluf ta' prosekuzzjonijiet amministrattivi u 'l fuq minn 100 kawża kriminali nbdew madwar il-pajjiż, u għadhom għaddejjin aktar arresti u detenzjonijiet fuq akkużi foloz;

Q.

billi, skont bosta rapporti, dimostranti paċifiċi kkundannati għal “detenzjoni amministrattiva” ġew soġġetti għal trattament ħażin, u, fost l-oħrajn, tqiegħdu f'faċilitajiet ta' detenzjoni ffullati żżejjed, ġew miċħuda ikel u ilma għal diversi sigħat u ġew imġiegħla jqattgħu ħinijiet twal (diversi sigħat f'daqqa, ħafna drabi billejl) f'vannijiet tal-pulizija matul it-trasferiment; billi l-persuni li pparteċipaw fil-protesti rrappurtaw ukoll li kienu mhedda b'espulsjoni jew tkeċċew minn universitajiet jew kulleġġi jew tilfu l-impjieg tagħhom; billi dimostranti paċifiċi, inklużi anzjani u tfal, kienu wkoll soġġetti għal użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija tal-irvellijiet;

R.

billi huwa kruċjali li, fi strateġija komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, jiġi żgurat li l-impenn mar-Russja ma jikkompromettix il-valuri tad-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

S.

billi r-reġim tal-Kremlin qed jagħmel dak kollu li jista' biex jiżola lill-poplu tar-Russja mill-komunità internazzjonali u biex iċaħħdu mit-tama tiegħu għal futur demokratiku, inkluż billi jirrikorri għal diversi mezzi biex jipprojbixxi lill-kandidati tal-oppożizzjoni milli jipparteċipaw fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2021 fir-Russja;

T.

billi r-riċerka mwettqa miċ-Ċentru Levada turi li l-Partit Russja Magħquda fil-gvern għandu rata ta' approvazzjoni pubblika f'livell storiku baxx wara li appoġġja riforma mhux popolari tal-pensjonijiet u ta spinta lill-adozzjoni ta' abbozz ta' emendi kostituzzjonali, inkluża waħda li tista' tippermetti lill-President Vladimir Putin jibqa' fil-kariga sal-2036; billi r-ripressjoni dejjem tikber kontra s-soċjetà ċivili u kontra l-oppożizzjoni politika min-naħa tal-awtoritajiet Russi tiżvela l-biża' tal-awtoritajiet li jkun hemm skuntentizza popolari bil-prestazzjoni soċjoekonomika fqira tal-pajjiż u bil-korruzzjoni tal-klassi fil-gvern;

1.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi:

a)

jeħilsu lil Andrei Pivovarov immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u kontra l-oħrajn kollha soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali skont il-liġi dwar “organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”, jew li nżammu b'mod arbitrarju b'xi mod ieħor;

b)

itemmu r-ritaljazzjonijiet kollha kontra l-avversarji politiċi u ilħna kritiċi oħra fil-pajjiż; jiggarantixxu lill-partiti politiċi kollha aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs matul l-elezzjonijiet;

c)

itemmu l-prosekuzzjonijiet kriminali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti skont il-liġi dwar l-“aġenti barranin” u dik dwar l-“organizzazzjonijiet mhux mixtieqa”, jirrevokaw din il-leġiżlazzjoni diskriminatorja u jreġġgħu lura d-deċiżjoni tal-Prosekutur Ġenerali Russu li jelenka tliet NGOs Ġermaniżi bħala “mhux mixtieqa”kif ukoll NGOs barranin oħrajn, b'kollox 34;

d)

jirrevokaw il-leġiżlazzjoni adottata reċentement u ma jibqgħux joħolqu leġiżlazzjoni speċjali ġdida jew jabbużaw minn liġijiet kriminali jew amministrattivi konvenzjonali oħra li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda radikali fuq is-soċjetà ċivili indipendenti, id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u l-aċċess għal informazzjoni online, u jirrevedu u jġibu l-leġiżlazzjoni Russa konformi mal-obbligi internazzjonali tar-Russja, mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-Kostituzzjoni Russa stess;

e)

joqogħdu lura milli jadottaw il-leġiżlazzjoni addizzjonali li qed titħejja bħalissa li tipprojbixxi lill-persunal jew lis-sostenituri ta' organizzazzjonijiet elenkati b'mod arbitrarju bħala “mhux mixtieqa” milli joħorġu għall-elezzjonijiet;

f)

jirrikonoxxu l-kontribut pożittiv ta' soċjetà ċivili vibranti u attiva għall-istat tad-demokrazija u tas-soċjetà, u jiggarantixxu ambjent favorevoli li fih l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivisti jistgħu jikkontribwixxu liberament għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-benesseri tas-soċjetà;

g)

jirrieżaminaw, u jġibu f'konformità mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, leġiżlazzjoni oħra li qed tintuża biex tirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni tar-Russja dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni, il-ġlieda kontra l-estremiżmu u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

h)

jeħilsu lid-dimostranti paċifiċi kollha u lil attivisti oħra tas-soċjetà ċivili u politiċi, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, inkluż lil Aleksei Navalny u lil dawk li ġew arrestati u detenuti għal “reati” amministrattivi foloz jew li ġew soġġetti għal prosekuzzjoni kriminali fuq akkużi kriminali foloz unikament talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika, li jinkludu fost l-oħrajn ġurnalisti, avukati, attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u atturi oħra tas-soċjetà ċivili, inklużi l-membri tal-persunal u l-assoċjati tal-Fondazzjoni Aleksei Navalny;

i)

jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' kuntatti interpersonali għall-benefiċċju kemm tal-Federazzjoni Russa kif ukoll tal-Unjoni Ewropea;

2.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lid-Delegazzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, fit-tħejjija tal-Istrateġija komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, u b'reazzjoni għall-erożjoni tal-istat tad-dritt, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, jiffukaw fuq:

a)

l-introduzzjoni ta' kondizzjonalità ġdida fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja bil-għan li tintemm ir-ripressjoni interna fir-Russja kontra attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u avukati, politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, il-midja indipendenti, it-trejdjunjins, u l-NGOs, u, jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata, l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ġodda tal-UE bħall-qtugħ tal-aċċess tal-oligarki Russi u l-uffiċjali responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għal xiri ta' proprjetà, viżi, prodotti finanzjarji eċċ., fl-UE;

b)

it-teħid ta' azzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u fi kwalunkwe djalogu mar-Russja biex jiġu indirizzati d-drittijiet tal-bniedem sabiex tiġi riflessa b'mod preċiż il-gravità tar-ripressjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, b'mod partikolari matul il-perjodu minn Jannar 2021; li tkompoli tintwera solidarjetà u unità ta' azzjoni, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet tagħhom dwar ir-Russja sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv ta' liġijiet restrittivi li ġew adottati reċentement fir-Russja, u l-kunsiderazzjoni tal-idea li l-piż tas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-reġim Russu jinqasam fost l-Istati Membri fi spirtu ta' ġustizzja, l-issoktar tat-tkomplija ta' proġetti strateġiċi bħal Nord Stream 2, u l-ikkumplimentar tar-Reġim Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem attwali b'reġim simili li jittratta l-korruzzjoni;

c)

it-teħid ta' azzjoni kkoordinata biex jiġi miġġieled u llimitat l-impatt negattiv ta' liġijiet restrittivi adottati reċentement fir-Russja u jiġi ipprijoritizzat l-involviment strateġiku mal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u fir-Russja, b'mod partikolari billi d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogi u l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, inkluż permezz ta' kooperazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima, kif ukoll kwalunkwe programm ta' kooperazzjoni edukattiva u kulturali, filwaqt li regolarment jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem biex tiġi rieżaminata din il-kooperazzjoni;

d)

l-ivvalutar ta' liema istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u stabbilimenti tal-midja b'rabtiet mill-qrib mal-Gvern Russu għandhom jiġu mmonitorjati fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom fl-UE;

e)

iż-żieda fl-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs indipendenti u l-midja, is-soċjetà ċivili u dawk li jiddefendu l-libertajiet politiċi u ċivili fir-Russja, pereżempju billi jintwera impenn aktar sostnut u ta' livell għoli f'każijiet individwali ewlenin ta' tħassib, inkluż l-avvelenament ta' Vladimir Kara-Murza, billi jittieħed vantaġġ sħiħ miż-żjarat mill-ambaxxaturi u minn uffiċjali oħra fir-reġjuni biex iqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u jiltaqgħu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, u billi jintużaw b'mod strateġiku l-midja soċjali, l-op-eds u l-interventi tal-istampa biex jintwera appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fir-Russja u permezz ta' mezzi Russi indipendenti, kif ukoll billi ġurnalisti indipendenti fir-Russja jiġu appoġġjati b'azzjonijiet diplomatiċi/konsolari meta dawn ikunu jinsabu f'riskju, inkluż permezz ta' politika tal-viżi flessibbli; filwaqt li l-Parlament qed jenfasizza li din il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għandha tkun pilastru tal-approċċ strateġiku ġdid li jmiss tal-UE fil-konfront tar-Russja, u qed iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jilqgħu NGOs mhedda jew ipprojbiti mir-Russja u jippermettulhom joperaw mit-territorju tal-UE jekk meħtieġ, u jżidu l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza, u jipprovdu kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

f)

il-ħtieġa li titkompla l-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili mar-Russja u għalhekk li jiġu indirizzati l-ostakoli dejjem ikbar li l-awtoritajiet Russi qed ideffsu fil-kuntatti bejn il-persuni, il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi;

g)

l-ikkundannar ta' forom ġodda ta' ripressjoni moħbija immirati biex jissanzjonaw, kemm fil-kapitali kif ukoll f'postijiet oħra, il-parteċipazzjoni tal-impjegati, it-tobba tal-isptarijiet, l-għalliema u l-ħaddiema tas-servizzi soċjali f'dimostrazzjonijiet jew l-appoġġ tagħhom lill-opponenti tar-reġim attwali;

h)

il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqajmu b'mod urġenti fil-Kunsill tal-Ewropa l-kwistjonijiet tal-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi awtoritarji reċenti mill-Federazzjoni Russa fid-dawl tat-twettiq tal-obbligi internazzjonali tagħha lejn il-Kunsill tal-Ewropa;

i)

it-teħid ta' azzjoni kkoordinata ma' sħab internazzjonali tal-istess fehma, inklużi pajjiżi tal-G7, li tħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jtemmu r-ripressjoni interna kontra d-demokrazija u l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li għandha tinkludi wkoll interventi ta' livell għoli u pubbliċi, inizjattivi kkoordinati u skrutinju sostnut f'fora internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

j)

it-twettiq regolari ta' valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li l-involviment mal-awtoritajiet Russi ma jdgħajjifx l-objettivi tad-drittijiet tal-bniedem u ma jikkontribwixxix għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem la direttament u lanqas indirettament;

k)

l-inkoraġġiment tal-bliet u l-irħula tal-UE li għandhom proġetti attivi ta' ġemellaġġ mal-kontropartijiet tagħhom fir-Russja biex jirrevedu u jaġġornaw dawn il-ftehimiet sabiex iqisu d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiffokaw il-kooperazzjoni prinċipalment fuq is-soċjetà ċivili u l-kuntatti bejn il-persuni;

l)

ir-rispett tat-talba tal-Parlament lid-Delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali fir-Russja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi tad-detenuti politiċi individwali fil-post, u joffrulhom kwalunkwe appoġġ li jista' jkollhom bżonn, u biex jaħdmu id f'id biex jiżguraw il-ħelsien rapidu tagħhom;

m)

l-evitar li tingħata leġittimità lil uffiċjali li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni, billi jiġi żgurat, pereżempju, li l-ambaxxaturi u l-viżitaturi ta' livell għoli jevitaw laqgħat diskrezzjonali ma' uffiċjali involuti fir-repressjoni, fost l-oħrajn, ma' membri tad-Duma tal-Istat involuti fl-abbozzar tal-liġi dwar l-“aġenti barranin”, bħal Andrei Klimov; il-monitoraġġ, f'dan ir-rigward, ta' fora bilaterali bħad-Djalogu ta' Trianon u d-Djalogu ta' Sochi; il-valutazzjoni tal-interruzzjoni tagħhom fuq l-eżempju tad-Djalogu ta' Pietruburgu, li ddeċieda li jieqaf jiltaqa' sakemm uħud mill-membri tiegħu jibqgħu jġarrbu diskriminazzjoni bħala “organizzazzjonijiet barranin mhux mixtieqa”;

3.

Jikkundanna l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li jinsabu fil-mira tar-repressjoni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu l-atti tagħhom ta' fastidju u ta' intimidazzjoni u l-attakki tagħhom fuq is-soċjetà ċivili, il-midja, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti; jikkundanna n-nuqqas tal-awtoritajiet Russi li jipproteġu dawn l-atturi kontra l-attakki u l-atti ta' fastidju u ta' intimidazzjoni min-naħa ta' partijiet terzi u n-nuqqas li jinvestigaw dawn l-attakki kontrihom b'mod imparzjali;

4.

Jistieden lin-negozji kollha tal-UE li joperaw fir-Russja biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jinsab imħasseb dwar il-fatt li politiċi Ewropej ta' livell għoli jaċċettaw kuntratti li jħallu ħafna qligħ ma' kumpaniji li huma proprjetà tal-Kremlin jew għandhom rabta miegħu bħal Gazprom jew Rosnieft;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lid-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0159.

(2)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 27.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/113


P9_TA(2021)0292

Id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni politika f'Kuba

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dik politika f'Kuba (2021/2745(RSP))

(2022/C 67/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2018 (1) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, tat-3 ta' Diċembru 2019 (2) dwar il-każ ta' José Daniel Ferrer, u tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017 (4),

wara li kkunsidra s-smigħ dwar Kuba tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, li sar fil-11 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-vidjokonferenza informali tal-membri tal-Kunsill Konġunt tal-UE-Kuba, tal-20 ta' Jannar 2021 (5),

wara li kkunsidra t-tielet Djalogu Formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni (PDCA), li sar fis-26 ta' Frar 2021 (6),

wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar Kuba, ta' Mejju 2018,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa,

wara li kkunsidra r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u Prisoners Defenders, il-kapitolu IV.B dwar Kuba tar-Rapport Annwali tal-2020 tal-IACHR, il-Komunikazzjoni tat-6 ta' Novembru 2019 lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Rapporteur Speċjali dwar il-forom kontemporanji ta' skjavitù, inklużi l-kawżi u l-konsegwenzi tiegħu, u r-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-persuni, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, dwar is-servizzi mediċi Kubani, u l-konklużjonijiet tal-aħħar Rieżami Perjodiku Universali ta' Kuba 2018, dwar is-servizzi mediċi Kubani,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Osservatorju Kuban għad-Drittijiet tal-Bniedem mit-12-il xahar sa Mejju 2021 dwar azzjonijiet repressivi u detenzjonijiet arbitrarji,

wara li kkunsidra s-smigħ pubbliċi tal-179 Perjodu ta' Sessjonijiet tal-IACHR,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-IACHR 7/2021, 14/2021 u 24/2021,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984, li Kuba hija Stat Parti tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Kuba u l-Kodiċi Penali tagħha,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 168 tal-Ministeru tal-Kummerċ Barrani u l-Investiment tar-Repubblika ta' Kuba tad-29 ta' Marzu 2010, il-Liġi 1312 tat-12 ta' Settembru 1976 (l-hekk imsejħa “Liġi dwar il-Migrazzjoni”) u d-digrieti regolatorji tagħha Nru 26 tat-18 ta' Diċembru 2015 u Nru 306 tat-12 ta' Ottubru 2012, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapport annwali tal-2020 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' April 2021,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ratifikati minn Kuba,

wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' “organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili” fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi bil-PDCA, li ġie ffirmat fl-2016, iż-żewġ partijiet affermaw mill-ġdid ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għall-PDCA bejn l-UE u Kuba;

B.

billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni fl-2017 li fiha afferma mill-ġdid il-fehmiet tiegħu dwar id-demokrazija, id-drittijiet universali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni politika, u l-libertà tal-informazzjoni fil-forom kollha tagħha;

C.

billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-dinjità u l-benesseri tan-nies huma rrappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija, u dan ifisser, fost affarijiet oħra, alternanza tal-poter, elezzjonijiet ħielsa u ġusti u rispett għall-pluraliżmu politiku; billi l-Artikolu 5 tal-Kostituzzjoni Kubana li ġiet approvata reċentament jissottolinja l-Partit Komunista ta' Kuba bħala l-awtorità statali finali, imsaħħaħ mill-Artikoli 4 u 229 li jissottolinjaw is-soċjaliżmu bħala sistema irriversibbli; billi l-Kostituzzjoni l-ġdida tal-2019 serviet mhux biss biex tipproteġi s-sistema u tiffriża kwalunkwe proċess ta' riforma tal-libertajiet u d-drittijiet, iżda wkoll biex testendi l-limitazzjoni tagħhom; billi r-reġim jirrestrinġi serjament lill-persuni bi twemmin politiku differenti milli jipparteċipaw fil-ħajja politika pubblika u li jkollhom kariga politika; billi hemm nuqqas kontinwu ta' kundizzjonijiet li jipprovdu garanziji għall-indipendenza ġudizzjarja, speċjalment b'rabta ma' każijiet li jinvolvu attivisti u dissidenti;

D.

billi d-Digriet 349 jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni tal-artisti billi jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għal prestazzjonijiet u esibizzjonijiet pubbliċi u privati; billi d-Digriet 370 dwar il-kontenut online jistabbilixxi qafas ambigwu li jippermetti l-persekuzzjoni tal-attivisti u tal-ġurnalisti indipendenti, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; billi l-Kodiċi Penali ta' Kuba jinkludi dispożizzjonijiet bħal “stat ta' periklu” u “miżuri ta' sigurtà prekriminali” li għalihom aktar minn 8 000 persuna qed jinżammu l-ħabs mingħajr ebda reat attribwibbli, u 2 500 oħra ġew ikkundannati għax-xogħol furzat;

E.

billi mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni kważi erba' snin ilu, ma sar l-ebda progress konkret f'Kuba fir-rigward tal-prinċipji ġenerali u l-objettivi tal-ftehim lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali għaċ-ċittadini Kubani; billi għall-kuntrarju, ir-reġim Kuban żied ir-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora fis-soċjetà Kubana kollha, u dan ipproduċa mewġiet ġodda ta' reżistenza u dimostrazzjonijiet paċifiċi minn setturi sinifikanti li ġew repressi u mrażżna b'mod brutali mill-istrutturi repressivi tar-reġim Kuban;

F.

billi l-Opinjoni 50/2020 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) tan-NU, imqassma fl-14 ta' Ottubru 2020, twissi li l-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Kubani huwa prattika komuni; billi f'dawn l-aħħar tnax-il xahar sal-1 ta' Ġunju 2021 ġew reġistrati 199 każ ta' priġunieri politiċi f'Kuba, b'65 każ ġdid ta' priġunerija politika; billi April kien l-aktar xahar ripressiv mill-bidu tal-2021, peress li l-Osservatorju tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Kuba (OCDH) iddokumenta aktar minn 1 018-il azzjoni ripressiva kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti indipendenti, li minnhom 206 kienu detenzjonijiet arbitrarji u 13 kienu jinvolvu vjolenza serja; billi skont l-organizzazzjoni tad-Difensuri tal-Priġunieri, bħalissa hemm 150 priġunier politiku f'Kuba;

G.

billi fid-dawl tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Frar 2021, ġew adottati miżuri ta' prekawzjoni fir-rigward ta' 20 membru identifikat tal-Moviment San Isidro (MSI) u huwa ppruvat biżżejjed li d-drittijiet għall-ħajja u għall-integrità personali tal-persuni identifikati jinsabu f'riskju serju; billi l-awtoritajiet Kubani daħlu b'mod illegali fid-dar tal-artist indipendenti u koordinatur tal-Moviment ta' San Isidro, Luis Manuel Otero Alcántara, u żammewh arbitrarjament għal diversi sigħat mingħajr l-ebda akkuża; billi Denis Solís González, membru tal-Moviment San Isidro, qed jinżamm il-ħabs b'mod arbitrarju mixli bi stmerrija, u Luis Robles Elizástegui jinsab il-ħabs sempliċement għax ġarr kartellun li b'mod paċifiku talab il-ħelsien ta' Denis Solís González; billi Maykel Castillo Pérez, membru tal-MSI u kokreatur tal-kanzunetta “Patria y Vida” qed jinżamm il-ħabs arbitrarjament u ġie kkomunikat bħala persuna li għebet għal 14-il jum mill-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Furzat;

H.

billi għall-kuntrarju tat-talbiet mill-Parlament, ma kien hemm l-ebda żjara lid-detenuti politiċi fil-ħabs jew kwalunkwe osservazzjoni tal-proċessi tal-opponenti, tad-dissidenti, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jew tas-soċjetà ċivili indipendenti mill-UE; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, Amnesty International u Prisoners Defenders fost ħafna osservaturi indipendenti oħra tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-Rapporteurs Speċjali tan-NU, mhumiex permessi jidħlu f'Kuba minkejja li ilhom snin jinsistu dwar il-ħtieġa li jżuru l-gżira;

I.

billi r-Riżoluzzjoni 168 tal-2010 tal-Ministeru tal-Kummerċ Internazzjonali u l-Investiment Barrani ta' Kuba, timponi fuq l-impjegati ċivili kollha barra mill-pajjiż li jaħdmu għall-Istat jew għall-intrapriżi tal-Istat, inkluż il-persunal mediku, id-dmirijiet u l-obbligi mhux iġġustifikati li jiksru d-dinjità tal-bniedem u l-aktar drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem; billi l-impjegati ċivili kollha li ma jtemmux il-missjonijiet mediċi jew li jiddeċiedu li ma jmorrux lura lejn Kuba jiġu kkastigati skont il-Kodiċi Penali Kubana bi tmien snin ħabs; billi dawn il-missjonijiet mediċi ġew ikklassifikati bħala forma moderna ta' skjavitù skont il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (CUB6/2019) dwar il-missjonijiet mediċi Kubani enfasizzat il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u inumani tal-persunal mediku, allegazzjonijiet li kienu appoġġati minn Human Rights Watch u minn 622 xhud;

J.

billi Kuba rratifikat it-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; billi Kuba qed tikser il-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat;

K.

billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Libsin l-Abjad (Berta Soler) fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi l-awtoritajiet Kubani sistematikament waqqfu lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov u lil qrabathom milli jitilqu mill-pajjiż u milli jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali, inklużi dawk organizzati mill-Parlament Ewropew, minkejja bosta stediniet, li l-aħħar waħda saret fil-11 ta' Diċembru 2020; billi t-tattiki tagħhom inkludew il-fastidju, l-intimidazzjoni u l-arrest arbitrarju ta' Berta Soler u Reinaldo Escobar, kif ukoll ir-restrizzjoni tal-konnessjonijiet tal-internet tal-parteċipanti l-oħra; billi l-President tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Viċi President tal-Parlament iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li tiddenunzja l-fastidju tal-attivisti; billi hemm tħassib dwar id-difiża u l-appoġġ tagħhom mid-delegazzjoni tal-UE f'Havana; billi la s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lanqas id-Delegazzjoni tal-UE f'Kuba ma għamlu dikjarazzjoni li tiddefendihom jew urew xi tip ta' appoġġ pubbliku jew privat;

L.

billi l-Ambaxxatur attwali tal-UE f'Havana ffirma ittra indirizzata lill-President tal-Istati Uniti, fejn talab, fost affarijiet oħra, li jitneħħa l-embargo tal-Istati Uniti fuq il-gżira, kif ukoll li ma jkunx hemm indħil fl-affarijiet Kubani; billi dan il-fatt imur b'mod ċar oltre l-funzjonijiet diplomatiċi tal-Ambaxxatur u juri r-rwol politiċizzat ferm tal-ambaxxata tal-UE f'Havana; billi l-Ambaxxatur attwali tal-UE f'Havana għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi li fihom jafferma li “Kuba mhijiex dittatorjat”;

M.

billi l-Gvern Kuban irrifjuta l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili fis-“Seminars tas-Soċjetà Ċivili UE-Kuba” li saru qabel it-tielet Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi fis-26 ta' Frar 2021, l-UE u Kuba kellhom it-tielet Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-PDCA; billi ż-żewġ naħat iddiskutew il-kwistjoni tal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-UE fakkret fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi d-djalogu huwa maħsub li jwassal għal riżultati tanġibbli u ma jistax jitqies bħala għan fih innifsu; billi kwalunkwe djalogu politiku jrid jinkludi parteċipazzjoni intensiva diretta tas-soċjetà ċivili indipendenti u tal-atturi politiċi kollha tal-oppożizzjoni mingħajr restrizzjonijiet, kif enfasizzat fl-Artikolu 36 tal-PDCA;

N.

billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, stieden lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Gvern Kuban għal seduti ta' smigħ u attivitajiet rigward Kuba; billi dawn l-istediniet mhux biss ġew irrifjutati, talli ġew imwieġba fil-forma ta' ittri mimlija insulti u akkużi infondati kontra l-Parlament u l-Membri tiegħu; billi l-Parlament x'aktarx huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li ma ngħatatx permess iżżur il-pajjiż wara d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-PDCA, attitudni li tikkontradixxi b'mod ċar l-element essenzjali li fuqu għandu jkun ibbażat ftehim ta' djalogu politiku;

O.

billi l-PDCA inkluda l-hekk imsejħa “klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem”, li hija element essenzjali standard tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE li jippermetti li l-PDCA jiġi sospiż f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza ta' priġunieri politiċi, il-persekuzzjoni politika persistenti u permanenti, l-atti ta' fastidju u d-detenzjoni arbitrarja ta' dissidenti f'Kuba; jikkundanna wkoll l-attakki attwali kontra artisti tal-Moviment San Isidro, dissidenti paċifiċi, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-oppożizzjoni politika; jitlob li dawn l-azzjonijiet jintemmu minnufih u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jeħilsu immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha u lil dawk li jinsabu detenuti arbitrarjament biss talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tagħhom; jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni arbitrarja ta' Aymara Nieto Muñoz, Mitzael Díaz Paseiro, Iván Amaro Hidalgo, Edilberto Ronal Arzuaga Alcalá, Yandier García Labrada, Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui u tas-77 priġunier minħabba twemmin; jesprimi solidarjetà mal-membri tal-Moviment San Isidro u l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-libertà ta' espressjoni f'Kuba;

2.

Jitlob li jkun hemm garanziji aħjar għad-dritt ta' proċess ġust u għall-indipendenza tal-ġudikatura, u li jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti; jiddispjaċih dwar l-1 941 att ta' repressjoni li seħħew f'April (1 018) u f'Mejju 2021 (923); jitlob b'insistenza li dawk detenuti jingħataw evalwazzjoni medika indipendenti, aċċess għal komunikazzjoni bit-telefon u żjarat regolari mill-familja, il-ħbieb, ġurnalisti u membri tal-korp diplomatiku;

3.

Jiddispjaċih ferm dwar in-nuqqas ta' impenn u rieda tar-reġim Kuban li jagħmel ħiltu biex jagħmel progress, anki minimu, lejn il-bidla jew li jiftaħ kanali li jistgħu jippermettu r-riforma tar-reġim, biex jittejbu l-parteċipazzjoni soċjali u politika kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini; jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja d-dħul fis-seħħ tal-PDCA kważi erba' snin ilu, is-sitwazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma tjibitx u ma wasslet għal ebda riżultat pożittiv sostanzjali u tanġibbli għall-poplu Kuban; jappella għal konformità mal-obbligi vinkolanti stabbiliti f'dan il-ftehim u jitlob li jiġu adottati parametri referenzjarji ċari f'dan ir-rigward;

4.

Jirrikonoxxi d-dritt tal-poplu Kuban li jitlob id-demokratizzazzjoni ta' pajjiżu permezz ta' djalogu mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika sabiex jiġi stabbilit pjan direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi multipartitiċi;

5.

Jitlob b'insistenza li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-oppożizzjoni politika jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali mingħajr restrizzjonijiet; jistieden lill-Gvern Kuban jirrikonoxxi l-ġurnaliżmu indipendenti bħala prattika leġittima u jirrispetta d-drittijiet tal-ġurnalisti indipendenti f'Kuba;

6.

Jappella għat-tħassir immedjat tad-Digrieti 349 u 370 u ta' liġijiet Kubani oħra li jiksru l-libertà ta' espressjoni;

7.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jirrikonoxxi l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban, u għalhekk jinkludiha fid-djalogi politiċi istituzzjonalizzati, formali, miftuħa u pubbliċi bejn l-UE u Kuba, b'appoġġ għall-pilastri tal-PDCA;

8.

Jiddispjaċih li s-SEAE u d-Delegazzjoni tal-UE f'Havana eskludew lill-oppożizzjoni demokratika Kubana u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm Ewropej kif ukoll Kubani mid-djalogi politiċi minħabba n-nuqqas ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet Kubani; jissottolinja li din id-deċiżjoni tmur kontra l-PDCA u jisħaq li ż-żewġ partijiet għandhom l-obbligu li jikkonformaw bis-sħiħ mal-ftehim; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jirrifjutaw li jipparteċipaw fi djalogi futuri politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' Kuba sakemm is-soċjetà ċivili ma tkunx rappreżentata kif xieraq;

9.

Ifakkar lis-SEAE li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-djalogi politiċi u l-proġetti ta' kooperazzjoni tal-ftehim hija parti essenzjali tal-PDCA u li l-esklużjoni tas-soċjetà ċivili minn fondi ta' kooperazzjoni u/jew mill-parteċipazzjoni fil-ftehim filwaqt li, għall-kuntrarju, tippermetti l-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-fondi ta' kooperazzjoni esklużivament għal kumpaniji li l-istat għandu sehem fihom jew li jikkontrolla, kif kien il-każ mindu l-ftehim ġie ffirmat, għandha tiġi rimedjata minnufih;

10.

Jikkundanna l-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-bniedem imwettaq mill-istat Kuban kontra persunal tiegħu tal-kura tas-saħħa mibgħut biex jaħdem barra l-pajjiż fl-ambitu ta' missjonijiet mediċi, bi ksur tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO ratifikati minn Kuba; iħeġġeġ lil Kuba timplimenta u tirrispetta b'mod effettiv il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjonijiet 29 u 105 tal-ILO rispettivament; jistieden lill-Gvern Kuban jiżgura d-dritt tal-Kubani li joħorġu minn pajjiżhom u jirritornaw fih, inklużi t-tobba mibgħuta fuq missjonijiet mediċi barra l-pajjiż, f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Gvern Kuban jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u jiżgura d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluża r-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet, u għan-negozjar kollettiv, f'konformità mal-istandards tal-ILO;

11.

Jistieden lis-SEAE jinsisti li l-awtoritajiet Kubani jissodisfaw l-obbligi vinkolanti stabbiliti fil-PDCA bejn l-UE u Kuba, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet fundamentali, kif enfasizzat rispettivament fl-Artikolu 1(5), 2(c), 5, 22 u 43(2) tal-ftehim rispettivament; jinsisti għalhekk li l-Unjoni Ewropea ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-PDCA, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament;

12.

Iqis li l-priġunerija ta' Denis Solís González, Luis Robles Elizástegui, Maykel Castillo Pérez (“Osorbo”), li huwa membru tal-MSI u kokreatur tal-kanzunetta “Patria y Vida” u qed jinżamm il-ħabs arbitrarjament u ġie kkomunikat bħala persuna li għebet għal 14-il jum mill-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat, u ta' aktar minn 120 priġunier politiku u priġunier minħabba twemmin, u l-azzjonijiet arbitrarji u repressivi kollha rreġistrati f'April u f'Ġunju 2021, jikkostitwixxu ksur tal-ftehim u każ ta' urġenza speċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-PDCA; jitlob lill-UE ssejjaħ laqgħa urġenti f'dan ir-rigward kif xieraq;

13.

Jiddispjaċih ferm dwar ir-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lil delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew iżuru Kuba; jistieden lill-awtoritajiet jippermettu d-dħul fil-pajjiż hekk kif il-kundizzjonijiet sanitarji jippermettu; jistieden lir-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba matul iż-żjarat tagħhom lill-awtoritajiet Kubani u jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni interna u esterna koerenti tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 70.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2019)0073.

(3)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99.

(4)  ĠU L 337 I, 13.12.2016, p. 3.

(5)  https://www.consilium.europa.eu/en/meetings/international-ministerial-meetings/2021/01/20/.

(6)  https://www.europarl.europa.eu/delegations/en/eeas-statement-of-28-february-2021-on-th/product-details/20210409DPU29364.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/118


P9_TA(2021)0293

Ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar ir-repressjoni sistematika fil-Belarussja u l-konsegwenzi tagħha għas-sigurtà Ewropea wara l-każijiet ta' ħtif minn ajruplan ċivili tal-UE interċettat mill-awtoritajiet Belarussi (2021/2741(RSP))

(2022/C 67/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Belarussja tat-12 ta' Ottubru 2020 u tal-24 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE, b'mod partikolari dik tal-24 ta' Mejju 2021 dwar id-devjazzjoni furzata tat-titjira tar-Ryanair FR4978 lejn Minsk fit-23 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-ministri barranin tal-G7 u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-27 ta' Mejju 2021 dwar il-Belarussja,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/908 tal-4 ta' Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (1), li introduċiet projbizzjoni fuq it-titjiriet li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-UE u fuq l-aċċess għall-ajruporti tal-UE minn trasportaturi Belarussi ta' kull tip,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Marzu 2021 dwar l-appoġġ tal-UE għall-Pjattaforma tal-Obbligu ta' Rendikont Internazzjonali għall-Belarussja,

wara li kkunsidra r-rapport tar-rapporteur tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-5 ta' Novembru 2020 dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020 fil-Belarussja,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Konvenzjoni ta' Montreal dwar it-trażżin ta' atti illegali kontra s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lill-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja fl-2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-23 ta' Mejju 2021, ajruplan irreġistrat fil-Polonja u operat minn Rynair bħala parti mit-titjira FR4978, titjira internazzjonali tal-passiġġieri bejn żewġ bliet kapitali tal-UE (minn Ateni għal Vilnius), waqt li kienet fl-ispazju tal-ajru Belarussu, ġie ddevjat b'mod furzat fuq l-ordnijiet ta' Aliaksandr Lukashenka u ġie skortat minn ajruplan tal-gwerra Belarussu lejn l-Ajruport Nazzjonali ta' Minsk abbażi tal-pretensjoni falza ta' theddida ta' bomba, u dan ipperikola s-sikurezza ta' aktar minn 170 passiġġier u ekwipaġġ abbord, ħafna minnhom ċittadini tal-UE;

B.

billi l-awtoritajiet Belarussi ma skoprew l-ebda apparat splussiv, iżda żammew lil żewġ passiġġieri – Raman Pratasevich, ċittadin Belarussu, u s-sieħba tiegħu Sofia Sapega, ċittadina Russa u studenta tal-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius;

C.

billi Raman Pratasevich huwa ġurnalist u attivist Belarussu u eks kap editur tal-kanal influwenti Telegram Nexta, li kellu rwol ċentrali biex jinforma lill-popolazzjoni dwar l-abbużi mwettqa mill-awtoritajiet u fil-mobilizzazzjoni tal-protesti fil-Belarussja wara l-elezzjoni presidenzjali ffalsifikata tad-9 ta' Awwissu 2020, u b'hekk ikkontribwixxa għall-iżvelar tar-repressjoni sistematika u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tar-reġim; billi Raman Pratasevich kien ilu jgħix f'eżilju fl-UE mill-2019 biex jevita akkużi kriminali foloz u kien ingħata ażil politiku fl-UE;

D.

billi d-detenzjoni illegali u t-trattament inuman ta' Raman Pratasevich mir-reġim Belarussu, inklużi l-konfessjonijiet sfurzati f'intervisti li ma kienu xejn għajr fares imxandra mit-televiżjoni statali tal-Belarussja, huma tal-akbar tħassib għall-komunità internazzjonali u jissottolinjaw l-urġenza ta' azzjoni internazzjonali kkoordinata, b'mod partikolari peress li l-Belarussja għadha l-uniku pajjiż Ewropew li għadu japplika l-piena kapitali, u għalhekk mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa; billi Raman Pratasevich ma tax l-impressjoni li kien qed jagħmel il-konfessjonijiet minn jeddu, u billi kwalunkwe konfessjoni sfurzata hija pprojbita fl-ambitu tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura; billi l-avukati tiegħu għadhom ma ngħatawx aċċess għalih u Aliaksandr Lukashenka hedded li jistieden investigaturi mir-reġjun ta' Donbas, li huwa okkupat mir-Russja, biex jinterrogawh; billi Raman Pratasevich tpoġġa fil-lista ta' sorveljanza tat-terroriżmu u għalhekk jaf jiffaċċja l-piena kapitali;

E.

billi l-interċettazzjoni ta' ajrupla ċivili tikkostitwixxi ksur serju tal-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni u tenfasizza l-konsegwenzi internazzjonali tar-repressjoni kontinwa u bla waqfien fil-Belarussja għas-sigurtà fl-Ewropa u turi b'mod ċar li r-reġim sar theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi l-inżul furzat tal-ajruplan bħala att ta' terroriżmu sponsorizzat mill-istat u l-arrest tal-hekk imsejjaħ għadu tar-reġim Belarussu kellhom l-għan li jibagħtu sinjal ta' tkexkix lill-avversarji kollha tiegħu, b'mod partikolari lil dawk li jgħixu barra mill-pajjiż, li r-reġim jinsab determinat li jsibhom u li mhumiex sikuri barra mill-pajjiż;

F.

billi attwalment għaddejja investigazzjoni mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali; billi minbarra Raman Pratasevich u Sofia Sapega żbarkaw ukoll diversi persuni mhux identifikati f'Minsk; billi l-Federazzjoni Russa żammet diversi attivisti tal-oppożizzjoni Belarussi li ħarbu lejn Moska u għadha tappoġġja lir-reġim Belarussu, anki finanzjarjament;

G.

billi l-awtoritajiet Belarussi komplew bir-repressjoni tagħhom kontra l-poplu Belarussu paċifiku, b'ħafna ċittadini li ġew ippersegwitati, arrestati u kkundannati talli esprimew oppożizzjoni għar-reġim jew għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħ fil-Belarussja; billi huwa stmat li aktar minn 34 000 Belarussu ġew miżmuma f'ċertu punt talli pprotestaw kontra r-reġim, qabel u wara l-elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020; billi hemm aktar minn 470 priġunier politiku fil-Belarussja, fosthom 7 minorenni; billi nfetħu madwar 3 000 kawża kriminali b'motivazzjoni politika kontra d-dimostranti, u hemm 4 600 allegazzjoni ta' tortura, vjolenza u trattament ħażin;

H.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja qed tkompli tmur għall-agħar, b'għadd dejjem akbar ta' priġunieri politiċi; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw mijiet ta' każijiet ta' tortura u trattament ħażin, filwaqt li diversi persuni jinsabu neqsin jew instabu mejtin; billi t-trattament inuman, it-tortura u r-rifjut intenzjonat li tingħata kura medika għadhom għaddejjin fiċ-ċentri ta' detenzjoni u l-ħabsijiet Belarussi, fejn diversi dimostranti, bħal Vitold Ashurak, mietu f'ċirkostanzi suspettużi, filwaqt li oħrajn, bħal Stsiapan Latypou u Dzmitry Stakhouski ta' 17-il sena, ġew ippersegwitati u mhedda sal-punt li ppruvaw jagħmlu suwiċidju;

I.

billi fil-25 ta' Mejju 2021, l-attivisti Belarussi Ewropej Yauhen Afnahel, Pavel Yukhnevich, Maksim Viniarski u Andrei Voinich, il-kap tal-oppożizzjoni Pavel Seviarynets, il-blogger Dzmitry Kazlou, u l-attivista tal-komunità Iryna Shchasnaya ngħataw sentenzi ta' priġunerija li jvarjaw minn erba' sa seba' snin fuq akkużi foloz ta' “estremiżmu”; billi fit-2 ta' Ġunju 2021, il-priġunier politiku Dzmitry Furmanau, flimkien ma' Yauhen Raznichenka u Uladzimir Kniha, ingħataw sentenzi ta' priġunerija sa erba' snin f'dik li hija magħruf bħala l-“kawża Tsikhanouski”; billi fit-3 ta' Ġunju 2021, il-qorti kkundannat il-ħames grupp ta' konvenuti, li jikkonsisti mill-priġunieri politiċi Aliaksandr Khrapko, Radzivon Medusheuski, u Ihar Vinakurau, Andrei Aniskevich, Alena Loika, Halina Chuhunova, Andrei Niamirski, Dzmitry Kurhanau, Katsiaryna Smirnova, Mikita Uvarau, Safiya Nisht, Siarhei Ksenzhuk u Illia Palkhouski, fil-“proċess tal-protesta taż-żfin” billi tat sentenzi li jvarjaw minn 18-il xahar f'konfinament domiċiljari sa sena ħabs; billi fit-3 ta' Ġunju 2021, il-priġunier politiku Siarhei Piarfiliyeu ġie kkundannat għal sentejn priġunerija u ibnu Stanislau Piarfiliyeu għal sentejn ta' libertà ristretta (konfinament domiċiljari);

J.

billi l-awtoritajiet Belarussi qed ikomplu bir-repressjoni u l-persekuzzjoni tagħhom kontra ġurnalisti Belarussi indipendenti u qed jippruvaw ifixklu b'mod intenzjonat ir-rappurtar oġġettiv; billi mijiet ta' ġurnalisti ġew arrestati, inklużi żewġ ġurnalisti ta' Belsat li sussegwentement ġew ikkundannati; billi għexieren iffaċċjaw detenzjoni amministrattiva u esperjenzaw vjolenza u bosta ġew immultati; billi l-ġurnalisti tqiegħdu taħt arrest preventiv u ffaċċjaw akkużi kriminali; billi kien hemm bosta rapporti li l-awtoritajiet irrevokaw l-akkreditazzjoni ta' ġurnalisti, inklużi korrispondenti tal-media barranija, li bosta minnhom ġew arrestati u mkeċċija mill-Belarussja; billi fit-18 ta' Mejju 2021, l-awtoritajiet Belarussi rrejdjaw l-uffiċċji ta' Tut.by, l-akbar sit tal-aħbarijiet Belarussu indipendenti, arrestaw lill-ħafna membri tal-persunal tiegħu u mblukkaw is-sit web tiegħu;

K.

billi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi tal-oppożizzjoni, rappreżentati tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti ta' trade union u attivisti oħrajn jiġu sistematikament soġġetti għal intimidazzjoni, fastidju u restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali tagħhom; billi m'hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Belarussi qed jinvestigaw l-eluf ta' rapporti ta' brutalità min-naħa tal-pulizija li ġew ippreżentati minn nofs Awwissu 2020, jew il-qtil ta' dimostranti; billi l-impunità mifruxa għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tipperpetwa s-sitwazzjoni ddisprata tal-poplu tal-Belarussja; billi l-assenza tal-istat tad-dritt timpedixxi d-dritt tal-vittmi li jkollhom proċess ġust;

L.

billi skont l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti Belarussi, unjoni tal-istudenti indipendenti, aktar minn 460 student ġew miżmuma, li kważi terz minnhom huma nisa, u aktar minn 150 student ġew imkeċċija b'mod arbitrarju mill-universitajiet, b'ħafna li ħarbu lejn pajjiżi ġirien beżgħana għas-sikurezza tagħhom;

M.

billi fil-31 ta' Mejju 2021 l-awtoritajiet Belarussi komplew jirrestrinġu r-regoli diġà stretti tal-ivjaġġar, u għamluha kważi impossibbli li ċ-ċittadini Belarussi joħorġu mill-pajjiż, inkluż fir-rigward ta' dawk li għandhom permessi ta' residenza fit-tul barra mill-pajjiż;

N.

billi hemm repressjoni dejjem akbar kontra r-rappreżentanti tal-minoranza Pollakka fil-Belarussja, inkluż l-arrest u l-għoti ta' sentenza lill-President tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, Andżelika Borys, u d-detenzjoni tal-ġurnalist, blogger u membru tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarussja, Andrzej Poczobut; billi s-sistema edukattiva Pollakka fil-Balarussja tinsab taħt pressjoni dejjem akbar mir-reġim; billi dawn l-azzjonijiet huma akkumpanjati minn propaganda anti-Pollakka fuq it-televiżjoni statali; billi Lukashenka ħoloq btala pubblika ġdida fil-Belarussja, li għandha tiġi ċċelebrata fis-17 ta' Settembru, li tfakkar l-anniversarju tal-invażjoni Sovjetika tal-Polonja fl-1939;

O.

billi l-Belarussja bdiet l-operazzjoni kummerċjali tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets mingħajr ma indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet ta' sikurezza kollha li jinsabu fir-rapport tal-UE dwar is-simulazzjoni ta' kriżi tal-2018, u b'riżultat ta' dan l-impjant ta' Astravyets mhuwiex sikur u joħloq theddid serju għas-sikurezza nukleari għall-Ewropa kollha;

P.

billi l-Unjoni Ewropea s'issa imponiet sanzjonijiet kontra 88 individwu Belarussu u 7 entitajiet, inkluż Aliaksandr Lukashenka;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif u l-inżul furzat tat-titjira FR4978 ta' Ryanair f'Minsk u d-detenzjoni tal-ġurnalist Raman Pratasevich u ta' Sofia Sapega min-naħa tal-awtoritajiet Belarussi; iqis dan l-att orribbli bħala ksur tad-dritt internazzjonali li jikkostitwixxi att ta' terroriżmu tal-Istat;

2.

Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Raman Pratasevich u ta' Sofia Sapega, kif ukoll tal-ġurnalisti u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha miżmuma fil-Belarussja;

3.

Ifakkar id-deċiżjoni tal-Kunsill li jsaħħaħ il-miżuri restrittivi eżistenti billi introduċa projbizzjoni fuq it-trasportaturi Belarussi ta' kull tip milli jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-UE u jaċċessaw l-ajruporti tal-UE, u jagħti parir lill-Kunsill ifassal pjan biex jiffaċilita t-tentattivi tal-Belarussi milli jitilqu mill-pajjiż; jistieden lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex jinvestigaw u jieħdu l-miżuri xierqa rigward dan l-inċident inaċċettabbli, li jisfida n-normi u l-istandards internazzjonali; jenfasizza li dan l-inċident gravi kiser b'mod sinifikanti l-fiduċja u li kull stat għandu jaġixxi b'mod responsabbli fit-twettiq tal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Chicago sabiex l-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu joperaw b'mod sikur u sigur; jistieden lil Ryanair tikkoopera u taqsam mal-awtoritajiet l-informazzjoni rilevanti kollha dwar dan l-inċident;

4.

Jitlob li ssir valutazzjoni dettaljata tal-konsegwenzi tal-ħtif minn ajruplan ċivili interċettat, mhux biss għat-trasport internazzjonali bl-ajru u għas-sikurezza tal-avjazzjoni iżda wkoll għas-sigurtà ġenerali fl-Ewropa u s-sikurezza tal-Belarussi u ta' ċittadini oħra eżiljati jew li qed ifittxu kenn jew ażil fl-Istati Membri tal-UE;

5.

jenfasizza li investigazzjoni bħal din għandha tesplora r-rwol possibbli tar-Russja fl-atti terroristiċi mwettqa mir-reġim Belarussu; jissottolinja li jekk dan jitqies li kien il-każ, kwalunkwe ċittadin Russu involut direttament jew indirettament fl-operazzjoni għandu jiġi sanzjonat skont ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE); jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-UE fl-investigazzjoni, inkluż permezz tal-involviment ta' korpi tal-UE bħall-Europol, il-Eurojust jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-ħidma ta' skwadri u operazzjonijiet ta' investigazzjoni konġunta;

6.

Itenni n-nuqqas ta' rikonoxximent tiegħu tal-elezzjoni ta' Aliaksandr Lukashenkha għall-kariga ta' President tal-Belarussja; iqis ir-reġim attwali fil-Belarussja bħala illeġittimu, illegali u kriminali; ikompli jappoġġja lill-poplu tal-Belarussja fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanza demokratika, il-parteċipazzjoni politika u d-dinjità; jikkundanna r-repressjoni tal-eluf ta' Belarussi li pprotestaw b'mod paċifiku għad-difiża tad-dritt tagħhom għal-libertà, għad-demokrazija u għad-dinjità;

7.

Jikkundanna u jitlob bil-qawwa li jintemmu minnufih il-vjolenza u r-repressjoni mill-awtoritajiet tal-Istat fil-Belarussja, u b'mod partikolari d-detenzjoni illegali, it-tortura u t-trattament ħażin fid-detenzjoni, u l-prosekuzzjoni kriminali ta' ċittadini paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu mas-soċjetà Belarussa; jikkundanna r-repressjoni sistematika tar-reġim kontra ċ-ċivili, li mill-elezzjonijiet misruqa ta' Awwissu 2020 ġiegħel lil aktar minn 140 000 Belarussu jaħarbu mill-pajjiż, permezz tal-vjolenza, l-intimidazzjoni u forom oħra ta' koerċizzjoni; itenni li din il-kampanja ta' repressjoni li għaddejja bħalissa u l-ispostament furzat taċ-ċittadini jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-fatt li l-Belarussja bħalissa hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-piena tal-mewt għadha infurzata u jinsisti fuq il-ħtieġa għall-abolizzjoni permanenti immedjata tagħha; jikkundanna l-miżuri reċenti meħuda mill-awtoritajiet Belarussi li pprojbixxew il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Belarussi milli jitilqu mill-pajjiż, inklużi ħafna detenturi ta' permessi ta' residenza barranin;

8.

Jikkundanna s-sentenzi ħorox u inġusti tal-qorti li ngħataw reċentement lil bosta priġunieri politiċi u detenuti, inkluż il-mexxej tal-oppożizzjoni Pavel Seviarynets, u l-proċessi kontra personalitajiet demokratiċi tal-oppożizzjoni tal-Belarussja bħal Viktar Babaryka, Mikola Statkevich u Siarhei Tsikhanouski; jiddeplora s-sentenza ta' Pavel Sevyarynets, Yauhen Afnahel, Andrei Voynich, Pavel Yukhnevich, Dzmitry Kazlou, Maksim Viniarski u Iryna Shchasnaya fi proċess magħluq fil-belt ta' Mahiliou;

9.

Itenni l-importanza tal-midja u l-ġurnalisti Belarussi indipendenti u r-rwol importanti li jaqdu fis-soċjetà Belarussa; jikkundanna s-soppressjoni tal-midja u tal-aċċess għall-internet, kif ukoll is-swat, l-arrest u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti u bloggers; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni;

10.

Jikkundanna ir-repressjoni u l-azzjonijiet ostili mwettqa mill-awtoritajiet kontra r-rappreżentanti tal-minoranza Pollakka u kontra s-sistema tal-iskola Pollakka fil-Belarussja; jitlob, f'dan ir-rigward, il-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet ta' Andżelika Borys, Andrzej Poczobut u detenuti politiċi oħra;

11.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri fil-Belarussja biex jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni u l-proċessi tal-priġunieri politiċi individwali fil-Belarussja, inklużi dawk ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega, joffrulhom appoġġ u jaħdmu biex jiżguraw il-ħelsien tagħhom; f'dan ir-rigward, jistieden lir-reġim ta' Lukashenka jwaqqaf immedjatament kwalunkwe azzjoni bl-għan li tintimida jew tagħti fastidju lill-membri tas-servizzi diplomatiċi nazzjonali u Ewropej, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Belarussja fl-ambitu tal-Konvenzjonijiet ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari.

12.

Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinżammu u li jiġu estiżi l-kuntatti u l-kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi f'Minsk u fl-eżilju, u b'mod partikolari ma' Sviatlana Tsikhanouskaya u mal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni u tal-Ġestjoni Nazzjonali Kontra l-Kriżijiet; jingħaqad għalhekk mat-talbiet biex jiġu mistiedna r-rappreżentanti tagħhom fl-okkażjoni tas-Summit tal-G7 tal-11-13 ta' Ġunju 2021 u tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2021 u jirrakkomanda li jkomplu jiġu mistiedna għal laqgħat bilaterali ta' livell għoli fil-livell governattiv, kif ukoll għal sessjonijiet parlamentari u laqgħat interparlamentari, u jinħolqu gruppi ddedikati għall-Belarussja fil-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE;

13.

Jistieden lill-Kunsill jestendi kemm jista' jkun malajr il-listi ta' persuni u entitajiet taħt is-sanzjonijiet tal-UE billi jinkludi l-individwi u l-entitajiet involuti fl-interċetazzjoni u l-inżul furzat tat-titjira ta' Ryanair FR4978 u fid-detenzjoni ta' Raman Pratasevich u Sofia Sapega; ifakkar li l-ġurnalist Raman Pratasevich jinsab f'riskju li jiffaċċja l-piena tal-mewt;

14.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jipproċedi bl-akbar urġenza bir-raba' pakkett ta' sanzjonijiet kontra l-individwi u l-entitajiet li ħadu sehem jew kienu kompliċi fil-frodi elettorali, ir-repressjoni, it-tortura jew it-trattament ħażin u l-ksur sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u bloggers, u jibda jaħdem fuq pakkett sussegwenti; jitlob is-sanzjonar ta' għadd sostanzjalment akbar ta' uffiċjali Belarussi, bħall-prosekuturi, l-imħallfin u l-impjegati tal-infurzar tal-liġi li għandhom rwol fir-repressjoni u l-kundanna inġusta tal-kritiċi tar-reġim, kif ukoll ta' pulizija, persunal tal-amministrazzjoni tal-ħabs, membri tal-parlament u tal-gvern u l-aġenti li jaħdmu għar-reġim fl-oqsma tal-propaganda, il-midja, id-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda, ta' individwi u entitajiet li jappoġġjaw lil Lukashenka u r-reġim tiegħu, bħal Marat Markov, li intervista lil Raman Pratasevich fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Istat ONT fit-2 ta' Ġunju, u ta' dawk li pparteċipaw fl-inċident tat-23 ta' Mejju, bħall-uffiċjali tal-intelligence u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-għażliet għal miżuri restrittivi fl-ambitu tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Att Magnitsky tal-UE);

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċħdu b'mod strett kwalunkwe appoġġ finanzjarju lir-reġim Belarussu u għalhekk jirrifjutaw kwalunkwe linja ta' kreditu ġdida lill-banek Belarussi u jwaqqfu kwalunkwe investiment fi proġetti ta' infrastruttura jew f'impriżi ekonomiċi fil-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex twaqqaf lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej milli jakkwistaw bonds jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor maħruġ mill-Gvern Belarussu u mill-istituzzjonijiet pubbliċi affiljati; jilqa' l-fatt li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp issospendew il-finanzjament ta' proġetti fis-settur pubbliku Belarussu u jitlob li ssir investigazzjoni dwar kif il-fondi mhux użati jistgħu jiġu orjentati mill-ġdid lejn is-soċjetà ċivili u s-settur privat meta dan ma jkunx relatat mar-reġim; jistieden lill-Fond Monetarju Internazzjonali u lill-Istati Membri tal-UE ma jipprovdux appoġġ baġitarju dirett lir-reġim fl-ebda ċirkostanza, u jżommu lura milli jużaw il-proċess speċjali ta' prelevament imħabbar għall-2021;

16.

Ifakkar lin-negozji kollha tal-UE li joperaw fil-Belarussja fit-talba preċedenti tiegħu biex jeżerċitaw diliġenza partikolari u jiddefendu r-responsabbiltà tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jitlobhom ukoll iżommu lura minn kwalunkwe investiment ġdid u li jipprotestaw ukoll pubblikament kontra r-repressjoni kontinwa tal-awtoritajiet Belarussi fil-pajjiż;

17.

Jistieden lill-Kunsill jadotta u jimplimenta malajr sanzjonijiet ekonomiċi, li jridu jkunu sostanzjali u jkollhom, kemm jista' jkun, effett immedjat fuq ir-reġim tal-Belarussja, il-persuni li jappoġġjawh u l-atturi ekonomiċi li jappoġġjaw ir-reġim; jitlob li dawn is-sanzjonijiet ekonomiċi jkollhom fil-mira l-kumpaniji pubbliċi u privati kkontrollati mir-reġim jew marbuta mill-qrib mal-interessi kummerċjali tar-reġim jew magħrufa li jkeċċu l-impjegati tagħhom minħabba li jipparteċipaw fi strajk jew protesti; jitlob li s-sanzjonijiet settorjali jkollhom fil-mira ż-żejt mhux raffinat u l-prodotti taż-żejt, il-potassa, l-azzar u l-industriji tal-ipproċessar tal-injam; jitlob ukoll li jintemmu l-kooperazzjoni u l-finanzjament għall-banek tal-Istat Belarussi u li jiġu limitati l-linji ta' kreditu mill-banek internazzjonali għall-banek sussidjarji fil-Belarussja u li titqies sospensjoni temporanja lill-Belarussja mis-sistema SWIFT; jitlob li l-kumpaniji rreġistrati fl-UE, b'mod partikolari Siemens AG, jieqfu jikkollaboraw mal-awtoritajiet Belarussi permezz tal-kondiviżjoni tat-teknoloġija u l-għarfien espert; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kuntrabandu sostanzjali tas-sigaretti mill-Belarussja lejn l-UE, li jipprovdi fondi lir-reġim ta' Lukashenka; jinkoraġġixxi azzjoni ta' solidarjetà tal-UE kkordinata biex jiġu kkumpensati d-diffikultajiet ekonomiċi għall-Istati Membri l-aktar affettwati mis-sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Belarussja;

18.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU) li tissospendi s-sħubija mal-EBU tax-xandar Belarussu BTRC; jitlob is-sospensjoni tal-Belarussja minn korpi sportivi internazzjonali u avvenimenti sportivi internazzjonali, inklużi kampjonati Ewropej u dinjija u l-Logħob Olimpiku f'Tokyo; iħeġġeġ lill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) tneħħi d-drittijiet tax-xandir għat-turnew tal-futbol EURO 2020 mit-televiżjoni tal-Istat Belarussu TVR u tassenjahom lill-istazzjon tat-televiżjoni indipendenti Belsat TV mingħajr ħlas;

19.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ta' intelligence rigward il-kriżi fil-Belarussja u jkeċċu uffiċjali tal-intelligence magħrufa u suspettati li huma attivi madwar l-Unjoni; iħeġġeġ lill-President tiegħu jirrestrinġi l-aċċess għall-Parlament Ewropew għall-persunal tal-Ambaxxata tal-Belarussja fi Brussell, inkluż l-aċċess fiżiku u remot għal-laqgħat ospitati mill-Parlament Ewropew, u biex jirrieżamina l-komunikazzjoni tal-Parlament mal-Ambaxxata tal-Belarussja;

20.

Jinsab imħasseb ħafna dwar l-involviment tar-Russja mar-reġim ta' Lukashenka, inkluż l-appoġġ finanzjarju u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-intelligence;

21.

Jenfasizza l-ħtieġa għal impenn internazzjonali, inklużi diskussjonijiet fin-NU u fin-NATO; jitlob lill-UE tikkoordina mill-qrib il-miżuri tagħha mal-Istati Uniti, mas-sħab tal-G7 u ma' pajjiżi oħra tal-istess fehma u tfittex allinjament wiesa' mis-sħab tal-UE, b'mod partikolari mill-ġirien Ewropej bħall-Ukrajna, sabiex jinkiseb l-ogħla impatt possibbli tas-sanzjonijiet; ifakkar fid-deċiżjoni tal-Gvern tal-Ukrajna li jingħaqad mal-Istati Membri tal-UE fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet tat-trasport fuq il-linji tal-ajru Belarussi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimponu miżuri punittivi fuq il-linja tal-ajru Belavia u l-passiġġieri tagħha li jtiru lejn il-Krimea annessa mar-Russja; jilqa' s-summits li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Istati Uniti u r-Russja u jqishom opportunitajiet importanti biex jiġu kkoordinati l-pożizzjonijiet bejn l-UE u s-sħab tagħha;

22.

Jenfasizza li għalkemm l-aħjar opportunitajiet tal-UE biex tittratta b'mod xieraq l-istati illegali huma permezz ta' mekkaniżmi ta' sanzjonijiet, minbarra s-sanzjonijiet fuq intrapriżi tal-istat Belarussi, l-UE għandha tuża pressjonijiet interni eżistenti fil-Belarussja billi tappoġġja lis-soċjetà ċivili Belarussa;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ, flimkien mas-sħab internazzjonali, jagħtu bidu għall-organizzazzjoni ta' konferenza internazzjonali ta' livell għoli, “Il-Futur Demokratiku tal-Belarussja”, dwar is-soluzzjoni għall-kriżi fil-Belarussja, u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati mill-awtoritajiet Belarussi kontra l-poplu tal-Belarussja u t-trasformazzjoni demokratika tal-Belarussja; iqis li konferenza bħal din, immexxija mill-UE u li għaliha jattendu l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-pajjiżi tal-G7, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE u oħrajn li lesti jwiegħdu pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' Euro, se sservi biex tappoġġja l-isforzi futuri ta' riforma u r-ristrutturar tal-ekonomija u se tibgħat sinjal qawwi ta' appoġġ lill-poplu Belarussu;

24.

Ifakkar fl-inizjattiva preċedenti tiegħu għal missjoni ta' livell għoli, li tinvolvi uffiċjali preċedenti Ewropej ta' grad għoli, biex tiġi esplorata kull triq possibbli biex titwaqqaf il-vjolenza u jinħelsu l-priġunieri politiċi u li tista' tgħin biex jinħoloq ambjent li jwassal għal djalogu politiku domestiku inklużiv fil-Belarussja;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ dirett għall-oppożizzjoni Belarussa, is-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media indipendenti fil-Belarussja u barra mill-pajjiż, u l-involviment magħhom, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ finanzjarju, u jżidu l-appoġġ għall-Fond Ewropew għad-Demokrazija fl-attivitajiet tagħhom fil-prattika; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jipprovdu appoġġ finanzjarju u tekniku lill-mezzi tal-media u lill-ġurnalisti indipendenti kollha biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom li jinfurmaw lis-soċjetà dwar l-iżviluppi li għaddejjin fil-Belarussja; itenni, f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu għal aktar assistenza għall-istazzjon tat-televiżjoni Belsat;

26.

Jimpenja ruħu li jgħin fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi demokratiċi, fit-titjib tar-rwol tas-soċjetà ċivili, fl-appoġġ tad-djalogu politiku sħiħ li jwassal għal tranżizzjoni paċifika tal-poter fil-Belarussja, kif ukoll ta' mexxejja politiċi żgħażagħ u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-mekkaniżmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament;

27.

Jilqa' l-qafas ta' pjan komprensiv għall-appoġġ ekonomiku ta' EUR 3 biljun għal Belarussja demokratika futura ppreżentat mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jiżviluppaw u jippromwovu dan il-pjan u jikkomunikaw b'mod ċar li ladarba sseħħ bidla demokratika fil-Belarussja, l-UE se tkun lesta li tipprovdi assistenza tanġibbli biex tpoġġi lill-pajjiż fit-triq ta' riforma u modernizzazzjoni; jinnota li l-UE jeħtieġ li tipproponi sett komprensiv ta' azzjonijiet biex tħejji l-forzi demokratiċi tal-Belarussja għall-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett;

28.

Jitlob lill-UE tikkoordina mal-Istati Uniti, is-sħab tal-G7 u pajjiżi oħra tal-istess fehma biex tiffriża l-kooperazzjoni mas-settur pubbliku ta' Lukashenka u torjenta mill-ġdid il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Belarussa u mal-kumpaniji privati Belarussi mhux influwenzati mir-reġim;

29.

Jirrifjuta t-theddid inaċċettabbli ta' Aliaksandr Lukashenka li l-awtoritajiet Belarussi mhux se jwaqqfu l-migranti irregolari u t-traffikar tad-droga u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-migrazzjoni irregolari mill-Belarussja lejn l-UE u dwar l-involviment potenzjali tal-awtoritajiet Belarussi f'dan il-fenomenu; jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jsegwu l-iżviluppi f'dawn l-oqsma u jieħdu l-miżuri xierqa;

30.

Jikkundanna l-użu ħażin min-naħa tat-tmexxija Belarussa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet politiċi; jistieden lill-Interpol biex immedjatament tirrieżamina bir-reqqa t-talbiet attwali u futuri mill-Belarussja u tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tipprevjeni lill-Belarussja milli tuża ħażin l-Interpol għal skopijiet politiċi;

31.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva tad-delitti mwettqa mir-reġim ta' Lukashenka kontra l-poplu tal-Belarussja, li għandha tiġi konkluża bl-istabbiliment ta' tribunal internazzjonali għall-prosekuzzjoni ta' dawk ir-reati; iħeġġeġ li, fin-nuqqas tar-rieda tal-awtoritajiet Belarussi li jistabbilixxu l-istat tad-dritt u l-obbligu ta' rendikont, il-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu azzjoni biex tgħin tiżgura evidenza ta' reati u tiżgura investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli tul il-katina sħiħa ta' kmand; jilqa' l-inizjattivi minn diversi Stati Membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali u jħejju każijiet tal-qorti kontra l-awturi ta' repressjoni Belarussi u jħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra kollha jsegwu l-eżempju tagħhom; jitlob għal appoġġ attiv għall-inizjattivi internazzjonali kollha li jfittxu li jindirizzaw l-impunità fil-Belarussja, bħall-Pjattaforma Internazzjonali Kontra l-Impunità u ċ-Ċentru tal-Ġustizzja f'Vilnius;

32.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu s-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali rilevanti kollha bħall-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-korpi speċjalizzati oħra tan-NU bil-għan li tiġi żgurata azzjoni internazzjonali urġenti dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja u li jingħeleb l-imblukkar tar-Russja u ta' pajjiżi oħra għal tali azzjoni;

33.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jiffaċilitaw il-proċeduri għall-kisba ta' viżi u residenza għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li jirrikjedu trattament mediku minħabba l-vjolenza mwettqa kontrihom, u joffru lilhom u lill-familji tagħhom l-appoġġ u l-assistenza meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur tal-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE fir-rigward tal-għoti tal-ażil f'każijiet ta' persekuzzjoni koperti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Refuġjati u jkomplu jiffaċilitaw il-proċedura għall-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u l-għoti ta' kenn temporanju fil-pajjiżi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joffru boroż ta' studju lill-istudenti u lill-akkademiċi Belarussi mkeċċija mill-universitajiet u miżmuma l-ħabs minħabba l-pożizzjoni prodemokratika tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju lil dawk l-istituzzjonijiet eżiljati, bħall-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi f'Vilnius, li qed irawmu ġenerazzjoni ġdida ta' Belarussi li qed jisfidaw is-sistema korrotti u illeġittima tal-pajjiż;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkooperaw ma' sħab internazzjonali, bħall-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jiġu żgurati l-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u rappurtar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sussegwentement jiġi stabbilit l-obbligu ta' rendikont u tingħata ġustizzja lill-vittmi; jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma Internazzjonali ta' Obbligu ta' Rendikont għall-Belarussja u jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-funzjonament tagħha; jimpenja ruħu għall-funzjonament effettiv tal-Pjattaforma tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-impunità fil-Belarussja u għall-koordinazzjoni ta' reazzjoni internazzjonali f'waqtha għall-iżviluppi fil-Belarussja;

35.

Itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jieħdu pożizzjoni unifikata fir-rispons għat-terroriżmu sponsorizzat mill-Istat orkestrat mir-reġim ta' Aliaksandr Lukashenko u appoġġjat mill-Kremlin; jissottolinja l-importanza li l-UE tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja fi ħdan l-UE, kif ukoll forom oħra ta' theddid ibridu mwettqa minn partijiet terzi f'dan ir-rigward; jesprimi solidarjetà mal-Latvja wara t-tkeċċija mhux ġustifikata tad-diplomatiċi tagħha mill-Belarussja; jikkundanna t-tnedija ta' investigazzjoni kriminali mill-Prosekutur Ġenerali tal-Belarussja kontra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Latvja, kif ukoll is-Sindku tal-belt kapitali Riga; jikkundanna t-tentattivi kollha mill-awtoritajiet Belarussi biex jeżerċitaw pressjoni fuq l-Istati Membri tal-UE, inkluża t-talba tal-prosekuturi Belarussi biex jagħmlu mistoqsijiet lill-eks president tal-Litwanja Valdas Adamkus, abbażi tal-allegati konnessjonijiet tiegħu ma' battaljun awżiljarju tal-pulizija subordinat għall-SS li wettaq operazzjonijiet punittivi fil-Belarussja matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

36.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-operazzjoni kummerċjali tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets li jinsab 45 km biss 'il bogħod minn Vilnius u jissottolinja r-riskji li jġorr għal pajjiżi tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat it-theddid għas-sikurezza nukleari kkawżat mill-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets, jiddispjaċih li l-Belarussja mhix timpenja ruħha fis-sikurezza nukleari tal-impjant ta' Astravyets bi trasparenza sħiħa u ma impenjatx ruħha għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami bejn il-pari tal-impjant mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), u jitlob għall-introduzzjoni ta' salvagwardji effettivi kontra il-bejgħ dirett u indirett tal-elettriku Belarussu ġenerat mill-impjant ta' Astravyets lejn is-suq tal-UE;

37.

Jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali hija prova tal-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-effettività tat-tfassil tal-politika barranija tagħha; ifakkar li s-sitwazzjoni fil-Belarussja, pajjiż ġar u membru tas-Sħubija tal-Lvant, għandha impatt dirett fuq l-UE u li l-UE għandha turi biżżejjed determinazzjoni biex toffri appoġġ tanġibbli u fit-tul lill-forzi demokratiċi li jagħmlu ħilithom biex iġibu l-libertà u d-demokrazija fil-Belarussja; jitlob lill-UE biex ma toqgħodx lura, billi taġixxi malajr u b'mod proattiv;

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja.

(1)  ĠU L 197 I, 4.6.2021, p. 3.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/125


P9_TA(2021)0294

Is-sitwazzjoni fl-Afganistan

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2021/2712(RSP))

(2022/C 67/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem (JWF) dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE tat-2 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar in-Negozjati għall-Paċi fl-Afganistan tad-9 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-kummenti tal-President Biden dwar It-Triq 'il Quddiem fl-Afganistan tal-14 ta' April 2021,

wara li kkunsidra l-Qafas għall-Awtodipendenza permezz ta' Responsabbiltà Reċiproka, maqbul fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-4 u l-5 ta' Ottubru 2016,

wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali Internazzjonali tad-Donaturi tal-2020 (il-Konferenza tal-Afganistan) li saret fit-23 u fl-24 ta' Novembru 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Ministru tal-Affarijiet Esterni tal-Indja dwar l-Afganistan tal-4 ta' Mejju 2021,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Mibgħuta Speċjali u tar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-NATO, in-Norveġja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tas-7 ta' Mejju 2021 dwar il-Proċess ta' Paċi Afgan,

wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar l-Oppju tal-Afganistan tal-2020 ippubblikat b'mod konġunt mill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika u tal-Informazzjoni tal-Afganistan u mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità f'April 2021,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Afganistan,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fi Frar 2020, l-Istati Uniti u t-Taliban iffirmaw ftehim li witta t-triq għall-ewwel taħditiet diretti bejn it-Taliban u r-rappreżentanti tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mill-2001;

B.

billi fl-14 ta' April 2021, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Anthony Blinken, ħabbar l-irtirar unilaterali tat-truppi tal-Istati Uniti sal-11 ta' Settembru 2021; billi l-alleati tan-NATO jsegwu l-prinċipju ta' “nidħlu flimkien, noħorġu flimkien”, u se jirtiraw fl-istess ħin;

C.

billi t-taħditiet ta' paċi Afgani bejn il-gvern Afgan u t-Taliban bdew fl-2020 f'Doha; billi l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied ma nżammx, u attwalment it-taħditiet tal-paċi jinsabu weqfin, bit-Taliban jistennew l-irtirar tat-truppi alleati;

D.

billi sa mill-2001, l-UE kellha preżenza attiva fl-Afganistan biex tappoġġja l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u tikkoordina l-assistenza internazzjonali; billi bosta Stati Membri tal-UE, sħab tan-NATO u pajjiżi alleati kkontribwew riżorsi militari u ċivili għall-istabbilizzar u l-iżvilupp tal-Afganistan, u sofrew bosta mwiet u telf kbir; billi Afganistan stabbli u indipendenti li jipprovdi għalih innifsu u jiċħad rifuġju sikur lil gruppi terroristiċi għadu fl-interessi vitali tas-sigurtà tal-UE, tan-NATO u tal-istati membri tagħhom;

E.

billi huwa ta' importanza kbira li jiġi ppreservat il-progress li sar fl-aħħar żewġ deċennji fl-Afganistan, b'mod partikolari rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

F.

billi r-rappreżentanza tan-nisa u ta' drittijiethom fit-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan mhijiex proporzjonali, u għalhekk jeħtieġ approċċ aktar impenjat mill-partijiet fin-negozjati;

G.

billi n-nisa, it-tfal u l-minoranzi etniċi se jkunu jintlaqtu l-aktar mill-falliment tat-taħditiet ta' paċi fl-Afganistan u mit-tentattivi ta' li tiġi segwita soluzzjoni militari għall-kunflitt; billi n-nisa Afgani diġà bdew jillimitaw il-movimenti tagħhom biex inaqqsu r-riskju, u l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni u l-logħob huwa mxekkel mit-theddida tal-vjolenza;

H.

billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan qiegħda progressivament tmur għall-agħar, u n-numru ta' attakki kontra l-forzi Afgani qed jiżdied, kif qed jiżdiedu l-assassinji mmirati ta' attivisti Afgani, ta' ħaddiema tal-midja, edukaturi, tobba, imħallfin u uffiċjali tal-gvern; billi mill-bidu tat-taħdidiet ta' paċi fl-Afganistan kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' attakki mit-Taliban, immirati lejn it-teħid tal-kontroll tat-territorji kkontrollati mill-gvern; billi fl-Indiċi tat-Terroriżmu Globali tal-2020, l-Afganistan ġie kklassifikat bħala l-aktar pajjiż affettwat; billi minn popolazzjoni ta' 36 miljun persuna, erba' miljuni minnhom huma persuni spostati; billi kważi tliet miljun ruħ huma spostati internament kaġun tal-vjolenza u miljun oħra minħabba diżastri naturali; billi 2,5 miljun Afgan diġà ħarbu mill-pajjiż biex ifittxu s-sigurtà, bil-maġġoranza tagħhom jistabbilixxu ruħhom fl-Iran u l-Pakistan;

I.

billi l-Afganistan huwa l-benefiċjarju prinċipali ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fid-dinja; billi l-kontribut tal-UE lejn l-Afganistan matul l-aħħar 20 sena wassal għal gwadanji sostanzjali fl-istennija tal-għomor, il-litteriżmu, fil-mortalità materna u tat-tfal u fid-drittijiet tan-nisa; billi bejn l-2002 u l-2020, l-UE pprovdiet aktar minn EUR 4 biljun, u diġà wiegħdet EUR 1,2 biljun kemm f'assistenza fit-tul kif ukoll f'assistenza ta' emerġenza għall-perjodu 2021-2025; billi dan l-impenn ġie akkumpanjat minn komunikazzjoni tal-UE u minn pajjiżi li flimkien jirrappreżentaw madwar 80 % tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għall-Afganistan, fatt li jissottolinja l-elementi ewlenin biex il-pajjiż ikompli jirċievi l-għajnuna, inkluż li jitkompla l-impenn favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

J.

billi hemm nuqqas ta' responsabbiltà mifruxa għall-attakki u għall-qtil fl-Afganistan; billi fit-12 ta' Marzu 2021, il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw in-numru allarmanti ta' attakki li kienu immirati intenzjonalment kontra persuni ċivili fl-Afganistan;

K.

billi ż-żieda f'daqqa reċenti fil-vjolenza seħħet fi sfond ta' vjolazzjonijiet mifruxin u fit-tul tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, imwettqa minn terroristi, gruppi armati u forzi tas-sigurtà, inklużi qtil ekstraġudizzjarju, tortura u vjolenza sesswali; billi huwa stmat li madwar 150 000 persuna mietu fil-gwerra ta' 20 sena, fosthom 35 000 persuna ċivili;

L.

billi, mill-2001, sar progress evidenti fid-drittijiet tan-nisa u tal-bniet fl-Afganistan, inkluż l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika u politika; billi dan it-titjib huwa probabbilment l-aktar riżultati pożittivi miksuba fl-iżvilupp reċenti tal-pajjiż; billi dan il-progress parzjali issa jinsab mhedded u jrid jiġi ppreservat u msaħħaħ b'mod urġenti;

M.

billi minkejja dan it-titjib, in-nisa u l-bniet għadhom ta' kuljum jiffaċċjaw theddid serju, inklużi ostakli għall-aċċess għal servizzi essenzjali u attakki li jinkludu vjolenza domestika, sesswali u bbażata fuq il-ġeneru; billi l-Indiċi tan-Nisa, Paċi u Sigurtà tal-2019/20 ikklassifika lill-Afganistan bħala t-tieni l-agħar pajjiż għan-nisa; billi mill-inqas 85 persuna nqatlu u 147 persuna ndarbu, il-biċċa l-kbira minnhom jkunu bniet tal-iskola, meta l-iskola tal-bniet Sayed al-Shuhada f'Kabul ġiet ibbumbardjata fit-8 ta' Mejju 2021; billi fit-2 ta' Marzu 2021, tliet ġurnalisti nisa nqatlu f'Jalalabad;

N.

billi l-pandemija tal-COVID-19 żiedet drastikament ir-rata tal-faqar fl-Afganistan; billi l-miżuri relatati mal-COVID-19 u s-sitwazzjoni ta' sigurtà li sejra għall-agħar wasslu għal restrizzjonijiet fl-aċċess għall-għajnuna umanitarja tal-poplu Afgan;

O.

billi fl-2021, l-Afganistan huwa mistenni li se jiffaċċja nixfa, li se żżid l-għadd attwali ta' 5,5 miljun persuna li qed jesperjenzaw sitwazzjoni ta' emerġenza ta' nuqqas ta' sigurtà alimentari, bi 17,6-il miljun persuna oħra mistennija jiffaċċjaw nuqqas qawwi ta' sigurtà alimentari;

P.

billi l-kost ekonomiku tat-terroriżmu fl-Afganistan kien ekwivalenti għal kważi 20 % tal-PDG tiegħu fl-2018, u ċċaħħad lit-tfal Afgani mill-futur tagħhom, mill-possibbiltà li jiksbu edukazzjoni, minn prospetti għal impjieg u servizzi stabbli bħall-kura tas-saħħa pprovduta mill-istat;

Q.

billi n-negozji Afgani huma vittmi ta' estorsjoni mit-Taliban, li jġiegħlu lill-bdiewa jaħdmu biex jikkultivaw l-oppju u f'attivitajiet illegali ta' estrazzjoni;

1.

Iqis li l-Afganistan jinsab f'mument kritiku, minħabba li l-konfluwenza tas-sitwazzjoni domestika fraġli, is-sitwazzjoni ta' sigurtà li sejra għall-agħar, l-istaġnar tat-taħditiet ta' paċi intra-Afgani u d-deċiżjoni ta' rtirar tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO sal-11 ta' Settembru 2021, li jistgħu jwasslu għal inċertezzi ġodda, inqas stabbiltà, periklu ta' intensifikar tal-kunflitti interni u b'vakwu li fl-agħar xenarju possibbli se jimtela mit-Taliban; jesprimi tħassib li din tkun perspettiva inkwetanti ħafna għall-pajjiż u għas-sostenibbiltà tal-kisbiet u tal-progress soċjopolitiċi li seħħew fl-aħħar 20 sena;

2.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu u jikkundanna bl-aktar mod qawwi ż-żieda allarmanti fil-vjolenza fl-Afganistan, inkluż il-qtil immirat ta' tfal, professjonisti nisa, ġurnalisti u ħaddiema tal-midja, edukaturi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili, attivisti, tobba, uffiċjali tal-gvern u ta' membri tal-ġudikatura; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex minnufih jilħqu ftehim dwar waqfien mill-ġlied permanenti u komprensiv;

3.

Jinsab imħasseb dwar il-fraġilità u l-instabbiltà tal-gvern Afgan u dwar in-nuqqas ta' kontroll tiegħu fuq il-parti l-kbira tal-pajjiż, sitwazzjoni li tiggrava l-impatt tal-vjolenza fuq il-popolazzjoni ċivili; jappella lit-Taliban sabiex minnufih iwaqqfu l-attakki tagħhom kontra persuni ċivili u l-forzi nazzjonali, u biex jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt umanitarju internazzjonali; jesprimi l-kondoljanzi u l-appoġġ kbir tiegħu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi u lill-familji tagħhom;

4.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi evitat xenarju ta' “stat fallut”, u jtenni l-impenn tiegħu għal proċess ta' paċi mmexxi mill-Afgani u li huwa sjieda tal-Afgani u għal rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt bħala l-unika triq kredibbli għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp inklużiv u fit-tul; jenfasizza li dan huwa aktar importanti minn qatt qabel peress li d-data tal-irtirar tat-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO tinsab fil-qrib; iħeġġeġ lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, iħejju u jippreżentaw lill-Parlament bi strateġija komprensiva dwar il-kooperazzjoni futura mal-Afganistan wara l-irtirar tat-truppi Alleati tan-NATO u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lin-NATO u lill-Istati Uniti biex jibqgħu parteċipi f'dan l-objettiv;

5.

Jappoġġja, f'dan ir-rigward, it-tkomplija immedjata tat-taħditiet ta' paċi f'Doha sabiex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kunflitt u għal waqfien mill-ġlied negozjat permanenti u mal-pajjiż kollu; jissottolinja li hija biss soluzzjoni politika li toffri tama għal paċi dejjiema, u jirrakkomanda lill-partijiet ifittxu l-għajnuna ta' medjatur terz, bħan-Nazzjonijiet Uniti, biex jgħinhom jilħqu ftehim fuq pjan direzzjonali politiku għal Afganistan prosperu; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jassumu rwol aktar b'saħħtu biex iħeġġu liż-żewġ naħat jinnegozzjaw u joffru faċilitazzjoni jew medjazzjoni jekk dan ikun mixtieq mill-Afgani;

6.

Jafferma mill-ġdid li soluzzjoni politika negozjata li twassal għall-paċi trid tibni fuq il-kisbiet ekonomiċi, soċjali u politiċi ta' dawn l-aħħar 20 sena; jissottolinja li l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan se jiddependi fuq l-obbligu ta' rendikont, il-governanza tajba, il-provvista sostenibbli tas-sigurtà tal-bniedem, inkluż it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg, l-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan biex jinvolvi b'mod attiv lill-Parlament Afgan fil-proċessi rilevanti kollha, biex itemm il-miżuri kollha li jipprevjenu l-kooperazzjoni effettiva bejn il-gvern u l-parlament, u biex itejjeb id-drittijiet ta' skrutinju parlamentari, waqt li l-Parlament Afgan għandu jirrappreżenta d-diversità ta' popolazzjonijiet fl-Afganistan; jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jingħata appoġġ biex isiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti, f'konformità mal-istandards internazzjonali, appoġġ għal missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet fil-pajjiż u għat-titjib tat-trasparenza tal-infiq tal-gvern sabiex il-Gvern tal-Afganistan jirrispetta bis-sħiħ l-obbligu ta' rendikont liċ-ċittadini tiegħu;

8.

Ifakkar li sabiex jibni fuq il-kisbiet tal-aħħar 20 sena, l-istat Afgan għandu jkun ġenwinament impenjat biex jiġġieled u jipprevjeni t-terroriżmu u l-gruppi armati, il-produzzjoni u t-traffikar tad-droga, u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u furzata u l-ġestjoni tagħha; jindirizza l-instabbiltà reġjonali; iħabrek għall-qerda tal-faqar; jipprevjeni r-radikalizzazzjoni li twassal għall-estremiżmu vjolenti; jiġġieled kontra l-impunità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

9.

Jiddeplora l-fatt li qabel l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni ma ppreżentatx id-dikjarazzjoni lill-Parlament, u li l-Parlament ma kellux l-opportunità li jesprimi fehmtu dwarha; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni;

10.

Jesprimi tħassib dwar it-theddida maħluqa mit-terroriżmu għall-Afganistan u għar-reġjun, b'mod partikolari l-preżenza kontinwa tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant (ISIL-Da'esh) u l-affiljati tagħhom, b'mod partikolari l-Provinċja tal-ISIL-Khorasan u l-Al-Qaida; ifakkar li l-attakki terroristiċi fl-Afganistan jitwettqu minn diversi atturi inkluż mit-Taliban, mill-Al-Qaida u mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku; jissottolinja r-riskju reali ta' instabbiltà u vjolenza akbar hekk kif it-truppi tal-Istati Uniti u tan-NATO jirtiraw; itenni, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li l-UE tikkoordina mal-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Gvern u l-forzi tas-sigurtà tal-Afganistan, l-Istati Uniti, in-NATO u n-NU biex tiżgura li t-tranżizzjoni tkun kemm jista' jkun bla xkiel;

11.

Jikkundanna kull attività terroristika u kull attakk terroristiku fl-Afganistan; jissottolinja l-importanza tal-ġlieda effettiva kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u taż-żarmar tan-networks finanzjarji li jappoġġjaw it-terroriżmu; jinsab inkwetat ħafna dwar is-sejbiet tar-rapport tat-Tim ta' Monitoraġġ tan-NU li jindika li r-relazzjoni bejn it-Taliban u l-Al-Qaida saret aktar profonda, u t-twissija tiegħu li t-Taliban se jkunu kontra t-taħditiet ta' paċi u jippreferu teħid ta' kontroll militari. Jieħu nota, barra minn hekk, tar-rapporti li jindikaw li fl-2021 it-Taliban qegħdin iħejju operazzjonijiet militari b'mod attiv;

12.

Ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp sostenibbli mingħajr sigurtà u viċi versa; jinnota f'dan ir-rigward li l-appoġġ internazzjonali lill-Afganistan wara l-irtirar tat-truppi jrid jiżgura approċċ olistiku biex jitkompla l-appoġġ finanzjarju u tekniku għar-riformi tas-sigurtà, inklużi l-forzi tad-difiża u s-sigurtà nazzjonali tal-Afganistan, u r-riformi politiċi, ekonomiċi u tal-iżvilupp, b'enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari għan-nisa, għaż-żgħażagħ u għall-minoranzi;

13.

Jirrikonoxxi l-ħidma tal-NGOs lokali u internazzjonali, li jipprovdu servizzi, assistenza u għajnuna lill-poplu Afgan minkejja r-riskji għas-sigurtà; jibqa' mħasseb dwar il-klima perikoluża li fiha qed joperaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), inklużi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprovdu appoġġ sostantiv lis-soċjetà ċivili u biex ikomplu d-djalogu tagħhom mal-Gvern tal-Afganistan biex inaqqsu b'mod urġenti l-ostakli għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Afganistan, lit-Taliban u lill-atturi rilevanti l-oħra jiżguraw is-sikurezza tal-OSĊ lokali u internazzjonali, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet umanitarji;

14.

Jitlob li ssir investigazzjoni kredibbli u trasparenti taħt l-awspiċi tan-NU tal-attakk riċenti li mmira skola tal-bniet u li fih inqatlu 85 persuna, l-aktar bniet ta' età bejn il-11 u s-17-il sena u l-attakk tat-12 ta' Mejju 2020 fuq is-swali tal-maternità tal-isptar Dasht-e Barchi f'Kabul li kien megħjun mill-Médecins Sans Frontières; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jħeġġu lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta dwar ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali fl-Afganistan;

15.

Jenfasizza li l-impunità u l-korruzzjoni għadhom ostakli serji għat-titjib tal-koordinazzjoni tas-sigurtà, għall-forniment ta' servizzi pubbliċi u għar-riforma ekonomika; jilqa' l-ħolqien tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni fl-Afganistan f'Novembru 2020 biex timplimenta l-istrateġija kontra l-korruzzjoni li għadha kif ġiet adottata, u jħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżommu livelli għoljin ta' appoġġ tal-UE biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fil-pajjiż;

16.

Jenfasizza li l-appoġġ tal-Ewropa se jibqa' jingħata biss bil-kundizzjoni li jiġu kkonservati l-kisbiet tal-aħħar 20 sena u li jkomplu jibnu fuqhom, li tittejjeb b'mod effettiv il-governanza inklużiva u obbligata tagħti rendikont, li jissaħħu l-istituzzjonijiet, il-pluraliżmu demokratiku, l-istat tad-dritt, tiġi miġġielda l-korruzzjoni, tissaħħaħ il-media indipendenti, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-Afgani kollha, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni kollha li jagħmlu parti minn minoranzi u gruppi f'riskju; ifakkar li d-dritt tal-bniet għall-edukazzjoni, li huwa kisba kbira tal-aħħar 20 sena, ma għandux jiġi kkontestat; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' punti ta' riferiment ċari u mekkaniżmi ta' monitoraġġ biex jitkejjel il-progress li sar u l-użu effiċjenti u trasparenti tal-fondi Ewropej;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa assoluta li jinżamm bla mittiefes il-progress li sar fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan matul l-aħħar 20 sena; jilqa' l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-taħditiet ta' paċi min-naħa tal-Gvern tal-Afganistan u jinsisti li ma jrid ikun hemm l-ebda kompromess fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa fil-proċess ta' paċi; jenfasizza li l-progress fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa f'żoni tal-pajjiż li mhumiex taħt il-kontroll tal-gvern irid jiġi indirizzat ukoll fin-negozjati; iħeġġeġ rappreżentanza akbar tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u konsultazzjoni sħiħa magħhom matul it-taħditiet; jissottolinja li l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-fażi ta' wara r-rikostruzzjoni u fil-ħajja politika u ċivika fl-Afganistan hija prerekwiżit fundamentali għall-istabbiliment ta' paċi, sigurtà u żvilupp sostenibbli; isejjaħ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw aktar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa bħala kundizzjoni prinċipali biex jitkompla jingħata appoġġ finanzjarju lill-pajjiż;

18.

Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li n-nisa u l-bniet ikomplu jiffaċċjaw sfidi sinifikanti li jinkludu l-vjolenza domestika, sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, iż-żwieġ furzat u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa; jinsisti li l-progress f'dawn l-oqsma jrid jibqa' prijorità għolja għall-UE; jilqa' l-proġetti ffinanzjati mill-UE li jappoġġjaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

19.

Itenni l-ħtieġa li l-UE tkompli toffri għajnuna lill-Afganistan fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, tipprovdi tilqim lill-Afgani, u tgħin fl-organizzazzjoni tal-isforzi tat-tilqim;

20.

Jissottolinja l-importanza li jiġu indirizzati t-theddidiet urġenti għas-sigurtà tal-ikel bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, tan-nixfiet u tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-UE tonora l-impenji li assumiet fil-konferenza tad-donaturi tal-Afganistan fl-2020, u jħeġġeġ lis-SEAE u lid-DĠ ECHO (id-Direttorat Ġenerali għall-Operazzjonijiet Ewropej tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Għajnuna Umanitarja) biex jieħdu rwol ewlieni u jeliminaw in-nuqqas ta' finanzjament ħalli jiżguraw li l-għajnuna alimentari titwassal u tkun ikkoordinata f'waqtha biex tiġi indirizzata l-insigurtà alimentari imminenti; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jmantnu jew iżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom, speċjalment l-appoġġ tagħhom għas-sistema tas-saħħa Afgana u l-promozzjoni tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għan-nisa u l-bniet Afgani;

21.

Ifakkar li l-impatt tal-kultivazzjoni tal-peprin tal-oppju jestendi lil hinn mill-fruntieri tal-Afganistan, u jaffettwa lill-pajjiżi ġirien u lill-Ewropa, li hija d-destinazzjoni ewlenija għall-eroina prodotta fl-Afganistan; jenfasizza l-ħtieġa li l-gvern tal-Afganistan isaħħaħ l-isforzi kontra din it-theddida, u jtenni l-ħtieġa għal żvilupp agrikolu fit-tul u assistenza biex jinħolqu impjiegi affidabbli u introjtu minn alternattivi għall-kultivazzjoni tal-oppju; jinnota li dan huwa pass meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kummerċ illeċitu tad-drogi, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

22.

Jirrimarka l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fl-Afganistan billi jiżviluppa r-riżorsi naturali tiegħu b'mod sostenibbli; jenfasizza li l-għajnuna Ewropea għall-iżvilupp tal-infrastruttura tista' tkun ta' benefiċċju għall-poplu Afgan billi tipprovdi impjiegi u riżorsi għal servizzi pubbliċi kritiċi u tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent;

23.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintużaw il-fondi Ewropej biex isir investiment fit-titjib tal-konnettività reġjonali biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u t-tranżitu, u dan jagħti lill-Afganistan il-mezzi biex jikber ekonomikament;

24.

Ifakkar li l-Afganistan huwa pajjiż mingħajr kosta li jinsab bejn l-Asja u l-Lvant Nofsani u jirrikonoxxi li appoġġ u kooperazzjoni pożittiva minn pajjiżi ġirien fiċ-ċentru tal-Asja u setgħat reġjonali, b'mod partikolari ċ-Ċina, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan, huma essenzjali għall-istabbilizzazzjoni, għall-iżvilupp u għall-vijabbiltà ekonomika tal-Afganistan; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jintensifikaw id-djalogu tagħhom mal-pajjiżi ġirien tal-Afganistan; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' dawn il-pajjiżi fl-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan u biex ma jħalluhx jidħol f'kaos ladarba t-truppi barranin jitilqu; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-Afganistan sabiex jinżamm rwol importanti għalihom fl-Afganistan sa fejn ikun possibbli;

25.

Ifakkar fir-responsabbiltà tal-gvernijiet tal-pajjiżi li t-truppi tagħhom qed jirtiraw mill-Afganistan biex jipproteġu u, jekk ikun hemm bżonn, joħorġu viżi u jirripatrijaw il-persunal lokali, b'mod partikolari t-tradutturi, li kienu qed jappoġġjaw l-isforzi tagħhom u li ħajjithom tista' issa tkun f'periklu kbir; jitlob li dan iseħħ wara li ssir valutazzjoni individwali bir-reqqa, li tqis b'mod sħiħ l-aspetti kollha tal-eliġibbiltà u tas-sigurtà;

26.

Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw is-sigurtà tal-forzi Ewropej u tal-persunal Ewropew fl-Afganistan, kif ukoll dik tal-persunal lokali li jaħdem jew li ħadem għar-rappreżentanzi tal-Istati Membri jew għad-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex jikkontribwixxu finanzjament għal żona ta' sigurtà msaħħa biex tiġi żgurata preżenza diplomatika wara l-irtirar tat-truppi;

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Afganistan, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/131


P9_TA(2021)0295

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the cage age” (Daqshekk annimali fil-gaġeġ)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the cage age” (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) (2021/2633(RSP))

(2022/C 67/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) “End the cage age” (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) (ECI(2018)000004), li rċeviet 1,4 miljun firma vvalidati minn kull Stat Membru tal-UE-28 ta' dak iż-żmien u hija l-ewwel IĊE valida dwar l-annimali tar-razzett,

wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “End the cage age” (Daqshekk annimali fil-gaġeġ) tal-15 ta' April 2021,

wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 442 bit-titolu “Attitudes of Europeans towards Animal Welfare” (L-Attitudnijiet tal-Ewropej fir-rigward tat-Trattament Xieraq tal-Annimali), li kkonkluda li 82 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-benessri tal-annimali mrobbija fl-irziezet għandu jkun protett aħjar milli hu bħalissa,

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta' Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta' tiġieġ li jbid (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (4),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-Politika Agrikola Komuni, adottata fil-5 ta' Diċembru 2018 (CDR 3637/2018),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-Agroekoloġija, adottata fil-5 ta' Frar 2021 (CDR 3137/2020),

wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-21 ta' Novembru 2019 bit-titolu “Health and welfare of rabbits farmed in different production systems” (Is-saħħa u t-trattament xieraq tal-fniek imrobbija f'sistemi ta' produzzjoni differenti),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tat-trobbija (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġa tas-simna (6),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Evaluation of the European Union Strategy for the Protection and Welfare of Animals 2012-2015” (Evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjon u t-Trattament Xieraq tal-Annimali) (SWD(2021)0077),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 31/2018 dwar il-benessri tal-annimali fl-UE,

wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Novembru 2020 bit-titolu “End the Cage Age: Looking for Alternatives” (Daqshekk annimali fil-gaġeġ: infittxu alternattivi),

wara li kkunsidra l-Artikolu 222(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

A.

billi t-TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprovdi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' IĊE;

B.

billi l-importanza tal-IĊE fit-tfassil tal-inizjattivi u l-iżviluppi tal-politika tal-UE għandha tiġi rikonoxxuta, kif għandu jiġi rikonoxxut in-nuqqas ta' azzjoni biex jiġu segwiti l-IĊE preċedenti ta' suċċess;

C.

billi l-Artikolu 13 TFUE jirrikonoxxi b'mod ċar l-annimali bħala esseri sensibbli; billi dan jiddikjara wkoll li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom iqisu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali meta jfasslu u jimplimentaw il-politiki agrikoli tal-Unjoni;

D.

billi l-istandards għoljin tat-trattament xieraq tal-annimali li diġà huma stabbiliti fl-UE, li huma fost l-ogħla fid-dinja, għandhom jiġu rikonoxxuti;

E.

billi l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali u li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, filwaqt li tissottolinja l-benefiċċji li ġġib għall-annimali, il-kwalità tal-ikel, billi tnaqqas il-ħtieġa ta' medikazzjoni u tippreserva l-bijodiversità, u ssegwi l-aktar parir xjentifiku reċenti;

F.

billi studju mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet bit-titolu “End the Cage Age: Looking for Alternatives” (Daqshekk annimali fil-gaġeġ: infittxu alternattivi) sab li fl-Ewropa jistgħu jinkisbu sistemi ta' alloġġ mingħajr gaġeġ, filwaqt li jirrakkomanda miżuri finanzjarji u ta' politika fit-terminu qasir u leġiżlazzjoni fit-tul; billi dan l-istudju jikkonferma li “the EU can make sure that animal products that do not comply with EU standards cannot be imported into the EU” (l-UE tista' tiżgura li l-prodotti tal-annimali li ma jikkonformawx mal-istandards tal-UE ma jistgħux jiġu importati fl-UE);

G.

billi l-IĊE proposta tirreferi għal “mijiet ta' miljuni ta' annimali tar-razzett fl-UE […] jinżammu f'gaġeġ tul il-biċċa l-kbira ta' ħajjithom”;

H.

billi l-fniek huma l-annimali li l-aktar jinżammu fil-gaġeġ, b'madwar 85 % f'gaġeġ żgħar ħafna u 9 % f'gaġeġ arrikkiti, filwaqt li madwar 50 % tat-tiġieġ tal-bajd fl-UE kienu miżmuma f'gaġeġ arrikkiti fl-2019, bil-perċentwali jkunu konsiderevolment ogħla fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Lvant, taċ-Ċentru u tan-Nofsinhar tal-UE; billi fis-settur tal-ħnieżer, il-maġġoranza l-kbira tal-ħnieżer nisa jitqiegħdu f'gaġeġ matul ċerti stadji taċ-ċiklu riproduttiv tagħhom;

I.

billi l-IĊE proposta għandha l-għan li ttejjeb it-trattament xieraq tal-annimali;

J.

billi ż-żamma tal-annimali fil-gaġeġ bħala sistema ta' produzzjoni tal-bhejjem oriġinat mill-konfluwenza ta' diversi fatturi, jiġifieri: il-ħtieġa li jiġu identifikati l-aħjar annimali għall-għażla ġenetika, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-iġjene, u ġestjoni aħjar li ppermettiet l-awtomatizzazzjoni, u b'hekk l-użu aktar effiċjenti ta' xogħol dejjem aktar skars biex jikkumpensa għaż-żieda fil-prezz tal-art jew fl-ispiża tal-faċilitajiet;

K.

billi l-kumplessità tas-saħħa u tat-trattament xieraq tal-annimali għandha tiġi rikonoxxuta; billi l-karatteristiċi ta' annimali differenti għandhom jitqiesu fit-tfassil ta' sistemi ta' alloġġ li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

L.

billi aktar minn 300 miljun annimal tar-razzett kull sena jitqiegħdu f'gaġeġ għal ħajjithom kollha jew parti minnha, u hemm tħassib serju madwar l-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali mrobbija u miżmuma fil-gaġeġ, peress li l-annimali lanqas biss ikunu jistgħu joqogħdu bilwieqfa, jiġġebbdu jew iduru, u huwa impossibbli għall-annimali miżmuma fil-gaġeġ li juru l-imġiba naturali tagħhom;

M.

billi l-bdiewa għamlu investimenti kbar biex itejbu t-trattament xieraq tal-annimali, u għadhom ma rkuprawx kompletament l-investiment tagħhom; billi dawn is-sistemi ġew żviluppati b'mod konġunt mill-bdiewa, mill-veterinarji, mix-xjenzati u mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex jiġi żgurat li jiġu koperti r-rekwiżiti tat-trattament xieraq ta' kull speċi;

N.

billi għandhom jiġu rikonoxxuti l-isforzi xprunati mis-suq li qed jagħmlu l-bdiewa, kif ukoll il-ħtieġa li jinkiseb redditu mis-suq sabiex ikompli jsir investiment fis-sostenibbiltà;

O.

billi għandu jiġi rikonoxxut ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-produzzjoni tal-annimali u b'hekk li kwistjonijiet ewlenin dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali jiġu mgħoddija lil pajjiżi terzi;

P.

billi l-bidla fis-sistemi ta' alloġġ għal sistemi ta' alloġġ kompletament mingħajr gaġeġ se tirrikjedi investimenti addizzjonali u twassal għal żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, speċjalment fil-bidu ta' din it-tranżizzjoni minħabba l-ispejjeż tal-investiment li l-bdiewa jkollhom iġarrbu; billi l-kwistjonijiet sanitarji fit-trobbija fl-irziezet dejjem iridu jitqiesu;

Q.

billi n-nefqa kumulattiva għal bejn l-2014 u l-2020 għall-politika agrikola komuni (PAK) kif iddikjarata mill-Istati Membri fl-aħħar tal-2019 dwar il-miżura tat-trattament xieraq tal-annimali kienet tirrappreżena biss 1,15 % tal-allokazzjoni tal-PAK (7);

R.

billi kwalunkwe bidla fis-sistemi ta' alloġġ għandha tikseb bilanċ bejn diversi aspetti tas-sostenibbiltà, jiġifieri t-trattament xieraq tal-annimali, is-saħħa tal-annimali, il-ħarsien tal-ambjent u l-kompetittività tal-bdiewa;

S.

billi s-sistemi ta' alloġġ mingħajr gaġġa jeħtieġ li jipprovdu kundizzjonijiet mikroklimatiċi adegwati u jkunu xierqa għal kull reġjun ġeografiku fl-UE u għall-kundizzjonijiet klimatiċi kollha, inklużi kundizzjonijiet estremi tat-temp;

T.

billi ftit Stati Membri diġà marru lil hinn mill-istandards minimi tal-UE u pprojbixxew l-użu ta' gaġeġ arrikkiti għat-tiġieġ tal-bajd, kemm gaġeġ żgħar ħafna kif ukoll dawk arrikkiti għall-fniek, jew stalel għall-ħnieżer nisa u gaġeġ tal-ħlas, filwaqt li leġiżlazzjoni li tipprevedi l-eliminazzjoni gradwali fi Stati Membri oħra għandha tidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-2030;

U.

billi qabel ma tiġi introdotta kwalunkwe bidla fis-sistemi ta' alloġġ, għandhom jiġu vvalutati l-ispejjeż tat-trasformazzjoni meħtieġa kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil; billi valutazzjoni tal-impatt trid tqis il-ħtiġijiet tas-setturi skont l-ispeċijiet tal-annimali, inklużi kwistjonijiet ekonomiċi u sanitarji;

V.

billi l-bidla fis-sistemi ta' alloġġ se żżid ir-riskju li l-annimali jxerrdu l-mard trażmissibbli u jiżviluppaw stress soċjali minħabba d-dominanza u l-kompetizzjoni, li taffettwa s-saħħa tagħhom u tista' żżid il-ħtieġa ta' medikazzjoni;

W.

billi biex tiġi ffaċilitata bidla sostanzjali bħal din, għandu jiġi żgurat appoġġ xieraq għall-investiment finanzjarju u kumpens li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' produzzjoni aktar għoljin u t-telf ta' introjtu tal-bdiewa;

X.

billi t-trattament xieraq tal-annimali ġie inkluż bħala objettiv speċifiku fil-politika agrikola komuni, u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan il-finanzjament disponibbli għat-tranżizzjoni lil hinn mill-gaġeġ, pereżempju permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

Y.

billi għandu jiġi rikonoxxut li, f'xi każijiet, xi forom ta' gaġġa għall-alloġġ iġibu aktar benefiċċji relatati mat-trattament xieraq tal-annimali milli effetti negattivi għall-annimal ikkonċernat; billi fi kwalunkwe każ, il-gaġeġ iridu jkunu proporzjonati għad-daqs tal-annimal miżmum u għall-iskop li għandu jinkiseb;

Z.

billi r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Benessri tal-Annimali fl-UE nnota li l-Istati Membri għamlu biss użu limitat mill-fondi tal-politika agrikola komuni biex jindirizzaw l-objettivi tal-benessri tal-annimali;

AA.

billi r-regoli dwar it-trattament xieraq tal-annimali u t-titjib fid-daqs tal-gaġeġ ġew ipprogrammati f'diversi programmi ta' żvilupp rurali matul is-snin; billi l-objettiv tal-miżura ġie inkluż f'għadd ta' programmi b'mod awtomatiku permezz ta' miżuri li jżidu d-daqs ta' gaġġa jew ta' ċestun;

AB.

billi jekk hija prevista xi bidla fl-obbligi legali għall-alloġġ tal-annimali, il-livell ta' implimentazzjoni tar-regoli dwar it-trattament xieraq tal-annimali fl-Istati Membri tal-UE għandu jiġi kkunsidrat, u għandu jiġi adottat approċċ fuq bażi ta' speċi għal speċi;

AC.

billi l-Unjoni Ewropea timporta prodotti magħmulin minn annimali mrobbija f'kundizzjonijiet li ġeneralment ma jkunux jistgħu jiġu vverifikati;

AD.

billi hemm sistemi alternattivi li huma kummerċjalment vijabbli u li diġà qed jintużaw, pereżempju sistemi ta' matmura tal-qamħ, ta' trobbija fil-miftuħ u organiċi għat-tiġieġ, imqajjel tal-art, u sistemi ta' trobbija fil-miftuħ jew organiċi fil-beraħ għall-fniek, sistemi ta' ħlas fil-miftuħ u ta' alloġġ fi gruppi fuq ġewwa u fil-beraħ għall-ħnieżer nisa, sistemi ta' matmura tal-qamħ u guva għas-summien, u sistemi ta' alloġġ fi gruppi għall-għoġġiela;

1.

Jitlob lill-Kummissjoni biex sal-2022 tipprovdi informazzjoni dwar il-Kontroll tal-Idoneità kontinwu tagħha tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika dwar l-ikel aktar komprensiva biex tappoġġja l-bidla lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli li tqis id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha, b'appoġġ xieraq għall-bdiewa biex b'mod partikolari l-irziezet żgħar u ta' daqs medju ma jitħallewx jirtiraw aktar mill-produzzjoni tal-bhejjem, u biex tiġi evitata l-konċentrazzjoni ulterjuri tagħha;

3.

Jirrikonoxxi li l-alternattivi għat-trobbija fil-gaġeġ qed jiġu implimentati b'suċċess f'għadd ta' Stati Membri; iqis li għandhom jiġu żviluppati, imtejba u mħeġġa sistemi alternattivi;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża inizjattivi ġodda dwar it-trattament xieraq tal-annimali strettament fuq riċerka xjentifika indipendenti, filwaqt li tqis ukoll kwalunkwe impatt negattiv possibbli, bħar-riskju ta' mard, ksur tal-għadma tas-sider jew kannibaliżmu fis-settur tat-trobbija tat-tjur;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-traspożizzjoni xierqa tad-domandi tal-IĊE “Daqshekk annimali fil-gaġeġ” fil-kuntest tar-reviżjoni attwali tad-Direttiva 98/58/KE, u f'konformità mal-Istrateġiji tal-Patt Ekoloġiku u “Mill-Għalqa sal-Platt” tal-UE;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni telimina l-burokrazija u r-restrizzjonijiet regolatorji sabiex il-produtturi tal-bhejjem ikunu jistgħu jagħmlu l-bidliet strutturali meħtieġa fil-faċilitajiet tagħhom biex jintegraw dispożizzjonijiet ġodda dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

7.

Jisħaq li s-suq għall-prodotti tal-annimali minn sistemi ħielsa mill-gaġeġ, fil-miftuħ u organiċi, kif ukoll is-suq għal alternattivi bbażati fuq il-pjanti, qed jikber fl-UE;

8.

Jinnota li l-UE introduċiet ċerti projbizzjonijiet fuq il-gaġeġ għall-annimali tar-razzett, b'mod partikolari projbizzjoni parzjali fuq iċ-ċestuni tal-vitella fl-2007, projbizzjoni fuq il-gaġeġ żgħar ħafna għat-tiġieġ li jbidu l-bajd fl-2012, projbizzjoni parzjali fuq l-imqajjel tal-ħnieżer nisa fl-2013, u projbizzjoni totali fuq il-gaġeġ fil-biedja organika kollha madwar l-UE;

9.

Ifakkar li xi Stati Membri tal-UE diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jipprojbixxu ċerti forom ta' biedja fil-gaġeġ li tmur lil hinn mill-istandards minimi tal-UE, li żżid l-urġenza għal leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE biex tintemm il-prattika tat-trobbija fil-gaġeġ u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa madwar l-UE;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strumenti leġiżlattivi dwar il-biedja ġusta u sostenibbli, u b'mod partikolari, tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 98/58/KE bl-objettiv li l-użu tal-gaġeġ fit-trobbija tal-annimali tal-UE jitneħħa gradwalment, filwaqt li tiġi vvalutata l-possibbiltà ta' eliminazzjoni gradwali sal-2027;

11.

Jenfasizza l-ħtieġa li din l-eliminazzjoni gradwali tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq ix-xjenza u li jiġi żgurat perjodu ta' tranżizzjoni xieraq;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ fuq bażi ta' speċi għal speċi li jqis u jivvaluta l-karatteristiċi ta' kull annimal differenti, li għandu jkollu sistemi ta' alloġġ adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi sabiex tiżgura li dawn jissodisfaw l-istess standards tat-trattament xieraq tal-annimali u tal-kwalità tal-prodotti;

14.

Jisħaq li l-fniek huma t-tieni l-aktar speċi mrobbija fl-UE f'termini ta' għadd ta' annimali, bil-maġġoranza tagħhom imrobbija f'gaġeġ bi standards ta' trattament xieraq inadegwati; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tipproponi leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-fniek tar-razzett;

15.

Jitlob li jkun hemm ktajjen ta' provvista iqsar fin-nutrizzjoni tal-annimali u tal-bniedem, li jkunu jiddependu minn għelejjel tal-proteina prodotti lokalment jew reġjonalment għall-għalf tal-annimali u għall-konsum mill-bniedem; jinnota li l-Istrateġija “Mill-għalqa sal-Platt” tappoġġja l-produzzjoni sostenibbli tal-annimali, l-istabbiliment ta' ktajjen ta' provvista iqsar għall-prodotti tal-ikel u politika kummerċjali aktar ġusta li fiha l-istandards Ewropej jieħdu pożizzjoni aktar prominenti;

16.

Jirrikonoxxi l-passi pożittivi li saru mill-UE f'dawn l-aħħar snin, bit-titjib komprensiv tal-kundizzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali, l-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet fuq il-gaġeġ għal ċerti annimali tar-razzett, u l-projbizzjoni tal-gaġeġ fil-biedja organika kollha;

17.

Jilqa' l-aħjar prattiki diġà implimentati minn diversi Stati Membri bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn mill-istandards minimi tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali, jiġifieri l-projbizzjoni fuq ċerti forom ta' biedja fil-gaġeġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw malajr miżuri li jippromwovu s-sostituzzjoni tat-trobbija fil-gaġeġ b'sistemi alternattivi mingħjr gaġeġ;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-bdiewa fl-isforzi tagħhom biex itejbu t-trattament xieraq tal-annimali, b'mod partikolari bħala parti mill-Patt Ekoloġiku tal-UE, il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, sabiex jiġu evitati telf ta' kompetittività u rilokazzjoni sussegwenti tal-produzzjoni tal-UE lejn pajjiżi mhux tal-UE b'ambizzjonijiet aktar baxxi għat-trattament xieraq tal-annimali; jemmen li s-sistemi ta' produzzjoni kollha tal-UE għandhom jingħataw l-opportunità li jinvestu fis-sostenibbiltà u t-trattament xieraq tal-annimali;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tipprojbixxi t-tmigħ krudili u bla bżonn ta' papri u wiżż għall-produzzjoni tal-foie gras;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jgħinu lill-bdiewa u lin-nissiela billi jipprovdu pariri u taħriġ, jekk ikun meħtieġ, sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal sistemi mingħajr gaġeġ;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jitwettqu kontrolli effettivi u kontrolli doganali sabiex tiġi żgurata r-reċiproċità tar-rekwiżiti ta' kwalità u sikurezza u tal-istandards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea fis-suq globali għall-prodotti agroalimentari kollha importati fl-UE;

22.

Itenni l-importanza ta' kapitoli infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE bħala mezz biex jiġi ggarantit li l-ambizzjonijiet regolatorji akbar tal-UE jkunu konsistenti mal-politika kummerċjali tal-UE, u li l-pajjiżi terzi li ffirmaw ftehimiet kummerċjali mal-UE jkunu konformi magħhom;

23.

Jissottolinja li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għandhom iqisu wkoll l-istandards ta' produzzjoni ekwivalenti, b'mod partikolari t-trattament xieraq tal-annimali;

24.

Iqis li politika tal-kummerċ ġust li tiżgura kundizzjonijiet ekwi hija prekundizzjoni għal standards Ewropej ogħla; iħeġġeġ, għalhekk lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha rigward il-kontrolli fuq il-prodotti tal-ikel importati;

25.

Jinsisti li l-prodotti kollha tal-annimali importati fl-UE għandhom jiġu prodotti f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż dwar l-użu ta' sistemi ta' biedja mingħajr gaġeġ;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ suffiċjenti u perjodu ta' tranżizzjoni għall-adattament progressiv tal-bdiewa u tan-nissiela tal-bhejjem, li jqis iċ-ċiklu ta' investiment tal-bdiewa, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' finanzjament bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni, filwaqt li jinżammu l-kompetittività u r-reżiljenza soċjali tas-settur agroalimentari tal-UE;

27.

Jemmen li dan l-appoġġ u perjodu ta' tranżizzjoni għandhom jiġu żgurati qabel ma tiġi proposta kwalunkwe bidla leġiżlattiva għall-garanziji sanitarji tal-annimali u tal-bniedem u għall-protezzjoni tal-ħaddiema, sabiex jiġu evitati l-abbandun tal-art u l-irtirar ulterjuri mill-produzzjoni tal-bhejjem (speċjalment minn irziezet żgħar u ta' daqs medju mingħajr ir-riżorsi biex ikun hemm adattament kif xieraq);

28.

Itenni li l-Kummissjoni jeħtieġ li tappoġġja lill-bdiewa fl-edukazzjoni tal-konsumaturi u fil-komunikazzjoni tagħhom dwar standards għoljin attwali tat-trattament xieraq tal-annimali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprevedu appoġġ finanzjarju u gwida xierqa biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-bdiewa Ewropej ikkonċernati;

29.

Jisħaq li s-settur tal-bhejjem huwa dinamiku ħafna u kapaċi jadatta għall-bidliet kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-preferenzi tal-konsumaturi; jissottolinja, madankollu, li sabiex isir dan, jeħtieġ li jiġi ppremjat għall-isforzi tiegħu b'għajnuna diretta, sabiex is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u l-vijabbiltà tal-irziezet ma jiġux ipperikolati;

30.

Jisħaq fuq l-importanza ġenerali ta' distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u tal-benefiċċji fil-katina alimentari u r-rwol tas-suq biex il-bdiewa jkunu jistgħu jsiru aktar sostenibbli; iqis f'dan ir-rigward li tikketta volontarja dwar it-trattament xieraq tal-annimali tkun xierqa biex tindika l-impenn tal-katina mill-għalqa sal-platt biex tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-IĊE “Daqshekk annimali fil-gaġeġ”, filwaqt li tiżgura pprezzar adegwat;

31.

Jisħaq fuq l-importanza li l-bdiewa jiġu appoġġjati u jingħataw għajnuna biex jimxu lejn biedja aktar sostenibbli billi jipprovdu servizzi ta' konsulenza u ta' taħriġ adegwati, inċentivi u programmi finanzjarji biex jappoġġjaw il-livell ta' għajxien tagħhom u l-kompetittività tagħhom fiż-żoni rurali, filwaqt li tiġi promossa l-organizzazzjoni tal-investimenti u tal-katina alimentari, jisaħħu proċessuri lokali żgħar u tiġi appoġġjata katina tal-provvista qasira;

32.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi t-trattament xieraq tal-annimali b'mod internazzjonali u twettaq inizjattivi bil-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni fost il-pajjiżi mhux tal-UE, inkluż permezz ta' miżuri bħal assistenza reċiproka ulterjuri u skambju aċċellerat ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha u f'pajjiżi mhux tal-UE;

33.

Ifakkar li l-irziezet tal-bhejjem huma postijiet innovattivi, li jinvestu b'mod kostanti fit-titjib tal-infrastruttura u tal-prattiki tagħhom biex iżommu mal-aktar evidenza xjentifika reċenti u mal-aspettattivi tal-konsumaturi;

34.

Jitlob li jiġi żviluppat suq tad-domanda xieraq li fih ikun possibbli li l-prodotti kollha prodotti bi standards ta' kwalità ogħla jiġu kkummerċjalizzati bi prezzijiet ogħla;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta programmi ta' konverżjoni possibbli għal eliminazzjoni gradwali aktar rapida tat-trobbija tal-gaġeġ, inkluża valutazzjoni tal-ispejjeż ta' segwitu;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

(2)  ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53.

(3)  ĠU L 10, 15.1.2009, p. 7.

(4)  ĠU L 47, 18.2.2009, p. 5.

(5)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 90.

(6)  ĠU C 345, 16.10.2020, p. 28.

(7)  it-13-il Rapport Finanzjarju mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – is-Sena Finanzjarja 2019, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020DC0387&from=MT


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/137


P9_TA(2021)0296

Tħeġġiġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u l-karrieri fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar it-tħeġġiġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u l-karrieri fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) (2019/2164(INI))

(2022/C 67/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Aġenda ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività” (COM(2016)0381),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025”(COM(2020)0152),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-10 ta' Awwissu 2017 bit-titolu “Economic benefits of gender equality in the EU: How gender equality in STEM education leads to economic growth”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom (1),

wara li kkunsidra l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni tal-politika Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet permezz tas-settur diġitali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali: il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali (5),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iż-żgħażagħ u d-diġitalizzazzjoni,

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Education and employment of women in science, technology and the digital economy, including AI and its influence on gender equality” ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fil-15 ta' April 2020 (6),

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Women in the Digital Age” (7),

wara li kkunsidra l-Jum Internazzjonali tan-NU tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza, li jitfakkar fil-11 ta' Frar ta' kull sena, li jfittex li jikseb aċċess sħiħ u ugwali għax-xjenza u l-parteċipazzjoni fiha għan-nisa u l-bniet, u jikseb aktar ugwaljanza bejn il-ġenerazzjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li daħlet fis-seħħ fl-2016, u b'mod partikolari, l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

wara li kkunsidra t-Tabella ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar “In-Nisa fid-Dinja Diġitali”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwar l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0163/2021),

A.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali u objettiv ewlieni tal-UE u prekundizzjoni bażika għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet li hija essenzjali għall-emanċipazzjoni tagħhom, l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tagħhom u l-kisba ta' soċjetà sostenibbli u inklużiva; billi d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa b'rabta mal-ġeneru, l-istereotipi u l-inugwaljanzi, flimkien mad-diskriminazzjoni intersezzjonali, għandha għadd kbir ta' konsegwenzi soċjali u ekonomiċi dannużi, inkluż it-tnaqqis ta' vantaġġi potenzjali għas-settur pubbliku u n-negozji fir-riċerka u l-innovazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali; billi ż-żieda fil-profil tan-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-kontributi professjonali tan-nisa jistgħu jistabbilixxu xejriet ta' suċċess li għandhom jiġu segwiti u fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal aktar inklużjoni, kif ukoll isaħħu t-trasformazzjoni u l-innovazzjoni fis-soċjetajiet tagħna, għall-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali; billi l-eliminazzjoni tax-xejriet il-qodma tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi n-nisa jista' jkollhom rwol vitali biex jimlew in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol tal-UE;

B.

billi l-UE qed tiffaċċja nuqqas bla preċedent ta' nisa fil-karrieri u l-edukazzjoni STEM, b'mod partikolari minħabba li n-nisa jirrappreżentaw 52 % tal-popolazzjoni Ewropea u 57,7 % tal-gradwati terzjarji fl-UE (8), iżda jirrappreżentaw biss 2 minn kull 5 xjenzati u inġiniera (9); billi n-nisa huma sottorappreżentati fil-livelli kollha fis-settur diġitali fl-Ewropa, minn studenti (32 % f'livell ta' baċellerat, master's jew ekwivalenti) sal-ogħla pożizzjonijiet akkademiċi (15 %) fil-biċċa l-kbira tal-oqsma xjentifiċi, tal-inġinerija u tal-maniġment u f'livelli ġerarkiċi ogħla, anke f'setturi fejn jinsabu f'maġġoranza, bħall-edukazzjoni; billi l-istereotipi tal-ġeneru jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għall-ugwaljanza bejn l-istudenti maskili u femminili sa mill-edukazzjoni u jkomplu jwessgħu d-differenza bejn il-ġeneri fis-settur tal-impjiegi STEM, li tirrappreżenta ostaklu sinifikanti għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi d-differenza hija l-akbar fil-ħiliet speċjalizzati u fl-impjiegi fl-ICT fl-UE, fejn 18 % biss huma nisa (10), fost il-gradwati STEM, li minnhom 36 % biss huma nisa, u fis-settur diġitali, fejn hemm aktar minn tliet darbiet aktar irġiel milli nisa; billi livelli sinifikanti ta' segregazzjoni tal-ġeneri fost l-istudenti u l-gradwati STEM iwittu t-triq għas-segregazzjoni futura tal-ġeneri fil-karrieri relatati mal-iSTEM; billi huma ftit ħafna t-tfajliet adolexxenti fl-Istati Membri (inqas minn 3 %) li jesprimu interess li jaħdmu bħala professjonisti tal-ICT meta jkollhom 30 sena (11); billi huwa partikolarment diffiċli għan-nisa minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati biex jidħlu fis-settur STEM; billi għalkemm kien hemm xejra pożittiva fl-involviment u l-interess tal-bniet fl-edukazzjoni STEM, il-perċentwali għadhom insuffiċjenti; billi l-attitudnijiet lejn l-iSTEM ma jvarjawx bejn is-subien u l-bniet matul l-edukazzjoni primarja, u f'ħafna każijiet il-bniet spiss imorru aħjar mis-subien f'kompiti relatati mal-iSTEM u mal-ICT (12); billi d-differenzi bejn il-ġeneri fis-suġġetti STEM fl-edukazzjoni ogħla mhumiex ġustifikati mill-prestazzjoni akkademika, peress li l-bniet u s-subien juru livelli simili ta' kisba fix-xjenza u l-matematika fl-edukazzjoni sekondarja; billi, madankollu, il-bniet jibżgħu li jkollhom inqas suċċess mis-subien f'karrieri relatati mal-iSTEM u, b'riżultat ta' dan, in-nisa huma inqas kunfidenti fil-ħiliet diġitali tagħhom stess; billi n-normi soċjali u l-aspettattivi b'rabta mal-ġeneru dwar l-għażliet tal-karrieri, li spiss jissaħħu permezz tal-kontenut u l-kurrikuli edukattivi, huma tnejn mill-ixpruni tas-segregazzjoni tal-ġeneri fl-edukazzjoni ogħla;

C.

billi n-nisa li jispeċjalizzaw fl-oqsma STEM jistgħu jitħabtu biex isibu posthom fis-settur tal-impjiegi STEM u huma inqas probabbli mill-kontropartijiet maskili tagħhom li jidħlu f'impjiegi STEM jew li jibqgħu fihom minħabba d-diversi ostakli li jeżistu, bħall-istereotipi marbuta mal-ġeneru, il-postijiet tax-xogħol iddominati mill-irġiel, id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju, il-preġudizzju konsapevoli u inkonsapevoli, il-fastidju sesswali, ambjent tax-xogħol negattiv, u nuqqas ta' mudelli eżemplari u mentors femminili; billi t-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fl-oqsma tal-edukazzjoni STEM jista' jnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet, iżid l-impjiegi u l-produttività tan-nisa u jnaqqas is-segregazzjoni professjonali, li fl-aħħar mill-aħħar irawmu t-tkabbir ekonomiku permezz ta' produttività ogħla u żieda fix-xogħol; billi t-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-karrieri STEM jikkontribwixxi għal żieda fil-PDG per capita tal-UE b'bejn 2,2 u 3,0 % sal-2050 (13); billi l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri fil-karrieri STEM tikkostitwixxi pass lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet, u jkollha impatt pożittiv fit-tnaqqis tad-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet;

D.

billi skont stħarriġ tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (14), madwar 55 % tan-nisa fl-UE ffaċċjaw fastidju sesswali mill-età ta' 15-il sena u 14 % tan-nisa esperjenzaw fastidju ċibernetiku mill-età ta' 15-il sena; billi ħafna nisa sfaw vittmi ta' forom ġodda ta' vjolenza ċibernetika matul il-pandemija tal-COVID-19, bħall-fastidju sesswali u psikoloġiku online; billi teżisti l-ħtieġa urġenti ta' miżuri biex jiġu indirizzati dawn il-forom ġodda ta' fastidju sesswali u psikoloġiku; billi ġew rappurtati inċidenzi għolja ta' fastidju sesswali f'faċilitajiet tal-edukazzjoni STEM, inklużi l-iskejjel, l-universitajiet u l-postijiet tax-xogħol, li jkomplu jeskludu lin-nisa mis-settur;

E.

billi s-sottorappreżentanza tan-nisa li jaħdmu fil-qasam tat-teknoloġiji innovattivi, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), hija kwistjoni ta' tħassib, peress li jista' jkollha effett negattiv fuq id-disinn, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji, u dan jikkawża r-replikazzjoni ta' prattiki diskriminatorji u stereotipi eżistenti u l-iżvilupp ta' “algoritmi bi preġudizzji fir-rigward tal-ġeneru”; billi l-isforzi biex jiġu indirizzati l-preġudizzju, l-istereotipi u l-inugwaljanza relatati mal-ġeneru fis-settur diġitali mhumiex biżżejjed; billi d-differenza bejn il-ġeneri tippersisti fl-isferi kollha tat-teknoloġija diġitali, b'mod partikolari fir-rigward tal-IA u s-sigurtà ċibernetika, u b'hekk tirrinforza trajettorja bi preġudizzju favur l-irġiel għas-settur diġitali fil-futur prevedibbli; billi l-indirizzar ta' dawn il-preġudizzji jirrikjedi l-iżvilupp ta' rekwiżiti etiċi u ta' trasparenza ċari; billi settijiet tad-data mhux kompleti u mhux eżatti u n-nuqqas ta' data diżaggregata skont il-ġeneru jistgħu jfixklu l-ipproċessar u l-loġika tas-sistemi tal-IA u jikkomprometti aktar il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-soċjetà; billi għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa wkoll liċ-ċirkostanzi uniċi tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-Ewropa b'attenzjoni partikolari għad-daqs tagħhom, il-kapaċità tagħhom li jimplimentaw rekwiżiti ġodda, u l-potenzjal tagħhom bħala sors u kontributur siewi biex il-bniet, in-nisa u l-mexxejja nisa jkunu jistgħu jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u l-karrieri STEM;

F.

billi t-teknoloġiji l-ġodda li jkunu preġudikati f'termini ta' ġeneru, etniċità, razza, kulur, lingwa, reliġjon jew oriġini nazzjonali jew soċjali huma prinċipalment ikkawżati minn data mhux diżaggregata, nuqqas ta' għarfien kuntestwalizzat u n-nuqqas ta' applikazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fir-riċerka, li jista' jkollhom konsegwenzi ta' ħsara għas-saħħa u l-benesseri tan-nisa, speċjalment dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali, u għas-sikurezza tal-prodotti, u jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp personali u professjonali tan-nisa (15);

G.

billi l-għalliema u l-ġenituri jistgħu jirrinforzaw l-istereotipi tal-ġeneru billi jiskoraġġixxu lill-bniet milli jagħżlu u jsegwu studji u karrieri STEM; billi l-istereotipi tal-ġeneru jinfluwenzaw ħafna l-għażliet tas-suġġetti; billi l-iskoraġġiment kulturali u n-nuqqas ta' għarfien ta' mudelli eżemplari femminili u n-nuqqas li jiġu promossi jfixklu u jaffettwaw b'mod negattiv l-opportunitajiet tal-bniet u tan-nisa fl-istudji STEM, fil-karrieri relatati u fl-intraprenditorija diġitali, u jwasslu għal diskriminazzjoni u inqas opportunitajiet għan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi għandha ssir enfasi fuq il-fatturi li jimmotivaw lill-bniet u jkebbsu l-interess tagħhom fl-istudji STEM, il-karrieri relatati u l-intraprenditorija diġitali, bħall-promozzjoni ta' mudelli eżemplari femminili, l-għalliema mentors u l-approvazzjoni minn gruppi ta' pari u l-iżvilupp tal-kreattività u l-esperjenza prattika;

H.

billi l-kriżi tal-COVID-19 x'aktarx li twassal għal bidliet permanenti fil-ħajja fl-Ewropa u taffettwa l-biċċa l-kbira tal-aspetti tal-ħajja tan-nies, il-mod kif inwettqu l-ħidma tagħna u l-mod kif nistudjaw u nitgħallmu, fejn id-diġitalizzazzjoni se jkollha rwol ewlieni; billi l-COVID-19 qed twessa' wkoll id-differenza diġitali bejn il-ġeneri (16) fi żmien meta l-ħiliet diġitali huma meħtieġa aktar minn qatt qabel biex naħdmu, nistudjaw jew nibqgħu konnessi; billi t-trasformazzjoni diġitali rapida toffri ħafna opportunitajiet biex jinbidlu x-xejriet ta' impjieg skont il-ġeneru, iżda tista' wkoll taffettwa b'mod sproporzjonat l-impjieg tan-nisa f'diversi oqsma; billi n-nisa huma mġiegħla jieħdu sehem akbar ta' obbligi relatati mat-trobbija jew mal-familji tagħhom mill-kontropartijiet maskili tagħhom u, bħala tali, il-miżuri kollha proposti għandhom iqisu l-possibbiltà ta' rikonċiljazzjoni b'suċċess tax-xogħol mal-ħajja tal-familja għan-nisa sabiex jinkludu l-irġiel f'dawn l-oqsma; billi l-konfini bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja se jsiru inqas distinti minħabba t-telexogħol u n-nisa jista' jkollhom iġorru l-akbar piż biex jibbilanċjaw karriera mad-dmirijiet ta' indukrar tal-familja;

I.

billi hemm bżonn li jiġu promossi aktar il-politiki bl-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'oqsma relatati mal-iSTEM u l-IA u li jiġi adottat approċċ f'diversi livelli biex tiġi indirizzata d-differenza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-impjiegi fis-settur diġitali; billi ftit Stati Membri inkludew dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-progress biex il-ġeneru jiġi integrat fil-programmi nazzjonali ta' riċerka mexa bil-mod;

J.

billi hemm bżonn li tiġi promossa u appoġġjata intraprenditorija akbar fost in-nisa u li jiġi żviluppat ambjent favorevoli li fih l-intraprendituri nisa jistgħu jirnexxu u l-ispirtu intraprenditorjali jiġi mħeġġeġ; billi d-data dwar l-intraprenditorija fis-settur STEM u tal-ICT tindika emarġinazzjoni saħansitra akbar tan-nisa; billi d-differenza bejn il-ġeneri fl-istart-ups u l-investiment fil-kapital ta' riskju hija ugwalment evidenti; billi peress li l-bniet għandhom it-tendenza li jistudjaw inqas suġġetti tal-ICT u STEM matul l-iskola sekondarja u l-università, ħafna inqas nisa jispiċċaw jaħdmu f'dawn l-oqsma u jsiru fundaturi u sidien ta' kumpaniji privati u start-ups; billi 17 % biss tal-fundaturi ta' start-ups huma nisa; billi, bħala medja, l-istart-ups li huma proprjetà ta' nisa jirċievu 23 % inqas finanzjament minn dawk immexxija minn irġiel; billi għalkemm in-nisa jirrappreżentaw 30 % tal-intraprendituri kollha fl-Ewropa, jirċievu biss 2 % tal-finanzjament mhux bankarju disponibbli (17); billi din iċ-ċifra jidher li niżlet għal 1 % fid-dawl tal-pandemija;

Kummenti ġenerali

1.

Iqis li, fid-dawl tad-differenza konsiderevoli bejn il-ġeneri fil-pagi fl-UE, il-fatt li huwa aktar probabbli li n-nisa jkollhom impjiegi b'paga baxxa, part-time u altrimenti prekarji, id-domanda tikber għal professjonisti STEM, u l-importanza tal-karrieri relatati mal-iSTEM għall-futur tal-ekonomija Ewropea, iż-żieda fis-sehem tan-nisa fis-settur STEM hija kruċjali biex jiġu ssodisfati d-drittijiet u l-potenzjal tan-nisa u għall-bini ta' ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli u inklużivi permezz tal-innovazzjoni xjentifika, diġitali u teknoloġika; jenfasizza li l-ħiliet STEM ta' livell għoli huma kritiċi għall-proċess ta' innovazzjoni f'oqsma avvanzati tal-ICT bħall-IA jew is-sigurtà ċibernetika u se jkunu dejjem aktar importanti għall-kompetittività tal-UE fis-swieq globali; jissottolinja, għalhekk, li l-potenzjal sħiħ tal-ħiliet, l-għarfien u l-kwalifiki tan-nisa f'dawn l-oqsma jista' jgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea u jappoġġja l-għanijiet definiti f'diversi politiki tal-UE, fuq kollox il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Aġenda Diġitali;

2.

Itenni li l-għan ewlieni għandu jkun li jitneħħew l-ostakli kollha, b'mod partikolari l-ostakli soċjokulturali, psikoloġiċi u pedagoġiċi li jirrestrinġu l-interessi, il-preferenzi u l-għażliet tan-nisa u l-bniet, inklużi l-istereotipi tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru u kombinazzjoni ta' fatturi bijoloġiċi u soċjali, b'mod partikolari l-fatt li l-maternità tikkoinċidi mal-aktar perjodi deċiżivi fil-karrieri tan-nisa, mingħajr ma tiġi kompromessa l-libertà tan-nisa li jieħdu deċiżjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-istudji u l-karrieri STEM fil-pjanijiet ta' azzjoni jew l-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali rilevanti tagħhom rigward il-ġeneru billi jipprovdu inċentivi adegwati; iqis li dawn il-pjanijiet ta' azzjoni jew l-istrateġiji, fost inizjattivi oħra, għandu jkollhom l-għan li jżidu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi jiffokaw fuq il-qerda tal-istereotipi tal-ġeneru, il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalifiki, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, opportunitajiet indaqs, l-iżgurar ta' ambjenti tax-xogħol u studju sani u sikuri għan-nisa, in-nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, is-sensibilizzazzjoni dwar il-preġudizzju u l-istereotipi tal-ġeneru fis-setturi kollha rilevanti għall-iSTEM, l-istabbiliment ta' politiki obbligatorji dwar it-trasparenza fil-pagi, l-implimentazzjoni ta' tolleranza żero għall-fastidju sesswali, u ż-żieda tal-viżibbiltà tal-mudelli eżemplari femminili;

3.

Itenni li l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, l-iskoraġġiment kulturali u nuqqas ta' għarfien u ta' promozzjoni ta' mudelli eżemplari femminili jfixklu u jaffettwaw b'mod negattiv l-opportunitajiet tal-bniet u tan-nisa fl-istudji STEM, fil-karrieri relatati u fl-intraprenditorija diġitali, u jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni u inqas opportunitajiet għan-nisa fis-suq tax-xogħol;

4.

Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tas-sensibilizzazzjoni dwar il-preġudizzju relatat mal-ġeneru fis-setturi rilevanti kollha, inkluż fit-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli strutturali, bħall-iżvantaġġi soċjoekonomiċi u ambjenti tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol ostili għan-nisa, li jimpedixxu lill-bniet u lin-nisa milli jidħlu f'qasam dominat l-aktar mill-irġiel, u l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà ta' mudelli eżemplari li sal-lum kienu sottovalutati bħala ispirazzjoni għan-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi u tappoġġja kampanji ta' sensibilizzazzjoni u programmi u inizjattivi oħra biex jitnaqqsu dawn l-ostakli fid-dinja akkademika; jisħaq li miżuri għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħat-tneħħija tal-istereotipi tal-ġeneru fl-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni tas-suġġetti STEM għall-bniet u n-nisa u l-gwida dwar il-karrieri biex il-bniet jiġu mħeġġa jikkunsidraw li jistudjaw f'oqsma dominati mill-irġiel iwasslu għal għadd akbar ta' nisa li jiggradwaw fis-suġġetti STEM;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jikkumbattu s-segmentazzjoni skont il-ġeneru fis-suq tax-xogħol fil-karrieri STEM billi jinvestu fl-edukazzjoni formali, informali u mhux formali, fit-tagħlim tul il-ħajja u fit-taħriġ vokazzjonali għan-nisa biex jiżguraw li jkollhom aċċess għal impjiegi ta' kwalità għolja u għal opportunitajiet biex jitħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet għad-domanda futura tas-suq tax-xogħol u jipprevjenu ċirku vizzjuż ta' segregazzjoni skont il-ġeneru fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu miżuri ta' politika li jinkorporaw bis-sħiħ id-dimensjoni tal-ġeneru permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ, kurrikuli tal-iskejjel u, b'mod partikolari, gwida dwar il-karrieri, sabiex jippromwovu l-intraprenditorija, is-suġġetti STEM u l-edukazzjoni diġitali għall-bniet minn età bikrija bl-għan li jiġu miġġielda l-istereotipi edukattivi eżistenti u li jiġi żgurat li aktar nisa jidħlu f'setturi li qed jiżviluppaw u mħallsa tajjeb; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi involuta l-midja, inkluża l-midja soċjali, biex jitħeġġeġ l-użu ta' lingwaġġ inklużiv u biex jiġu evitati stereotipi li jwasslu għall-formazzjoni ta' opinjonijiet kontra l-parteċipazzjoni u l-interess tal-bniet fl-edukazzjoni STEM; jitlob li l-faċilitajiet STEM jittejbu u li jiġi garantit aċċess ugwali għalihom; jappella għal boroż ta' studju speċifiċi għall-bniet u n-nisa li jixtiequ jsegwu karriera fis-settur STEM;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu b'mod speċifiku s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati, bħal dawk b'diżabilità jew dawk li jgħixu f'reġjuni ultraperiferiċi jew żoni rurali, in-nisa fil-faqar, l-ommijiet waħedhom, l-istudenti f'sitwazzjonijiet prekarji, in-nisa migranti u n-nisa Rom, u jiżguraw l-aċċess sħiħ tagħhom għall-edukazzjoni diġitali u l-inklużjoni tagħhom fl-edukazzjoni diġitali u l-karrieri STEM sabiex jiġi evitat li d-distakk diġitali jitwessa'; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lid-diskriminazzjoni intersezzjonali u lill-preġudizzju minħabba l-etniċità, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, l-età jew id-diżabilità meta jfasslu l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data komparabbli u armonizzata biex isegwu l-progress tan-nisa minn kuntesti soċjoekonomiċi jew oriġini razzjali u etnika differenti fil-livelli edukattivi kollha, inkluż fir-rigward tal-għażliet u l-iżvilupp tal-karriera tagħhom, b'enfasi fuq l-inugwaljanzi fis-setturi STEM u diġitali, li se jgħinu fil-monitoraġġ tal-impatt tal-politiki u jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw in-nuqqasijiet u l-kawżi ewlenin tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri biex twessa' l-indikaturi użati għat-Tabella ta' valutazzjoni dwar “In-Nisa fid-Dinja Diġitali” sabiex jinkludu informazzjoni u data dwar in-nisa fl-edukazzjoni u fil-karrieri STEM u biex tiżviluppa sett ta' għodod li jinkludi metodoloġiji, indikaturi u oqfsa biex tiġi prodotta data aktar preċiża u jittejjeb l-użu ta' informazzjoni eżistenti;

7.

Jistieden lill-Istati Membri joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-inizjattivi tal-Kummissjoni ta' sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet diġitali bħall-approċċ “no women, no panel”, il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, il-Koalizzjonijiet għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, il-Premju tal-UE għall-Innovaturi Nisa, l-inizjattivi #SaferInternet4EU madwar l-Ewropa u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa;

Edukazzjoni

8.

Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 u l-azzjoni tiegħu biex “Titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-iSTEM”, u jittama li dan jgħin biex jiġu żviluppati modi aktar attraenti u kreattivi biex il-bniet jiġu mħeġġa jsegwu l-istudji STEM, kif ukoll biex tissaħħaħ il-fiduċja tan-nisa fil-ħiliet diġitali tagħhom; jisħaq li l-bniet jirrappreżentaw biss 36 % tal-gradwati STEM (18) minkejja prestazzjoni aħjar mis-subien fil-litteriżmu diġitali (19); jenfasizza li l-bniet li jassimilaw l-istereotipi tal-ġeneru għandhom livelli aktar baxxi ta' awtoeffikaċja u inqas fiduċja fil-kapaċità tagħhom mis-subien u li l-awtoeffikaċja għandha impatt konsiderevoli kemm fuq l-eżiti tal-edukazzjoni STEM kif ukoll fuq l-aspirazzjonijiet għall-karrieri STEM; jisħaq li jidher li l-bniet aktar ma jikbru aktar jitilfu l-interess fis-suġġetti STEM, u dan juri li huma meħtieġa interventi fi stadju bikri, jiġifieri fl-edukazzjoni preprimarja u fl-iskola primarja sabiex jinżamm l-interess tal-bniet f'dawn l-oqsma u jiġu miġġielda l-istereotipi ta' ħsara dwar ir-rwoli tal-ġeneri kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mezzi ġodda biex ikollhom kuntatt mal-bniet u jiżguraw li l-edukazzjoni diġitali tilħaqhom kollha, u jirrikonoxxu u jinvestu fl-għalliema bħala l-ixpruni tal-bidla kulturali minħabba l-potenzjal tagħhom li jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni kontinwa tal-bniet fix-xjenza fl-iskola; jissuġġerixxi li dawn l-isforzi għandhom jiżdiedu bl-iżvilupp ta' linji gwida komuni għall-Istati Membri bl-għan li jittejbu l-għarfien u l-ħiliet ta' dawk li jibdew l-edukazzjoni sekondarja; jappella għall-użu effiċjenti tal-fondi, il-programmi u l-istrateġiji tal-UE inklużi Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Programm Ewropa Diġitali sabiex il-bniet jiġu mħeġġa b'mod attiv jistudjaw is-suġġetti tal-ICT u l-iSTEM u biex jiġi pprovdut appoġġ effettiv għat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja fis-setturi STEM; jitlob li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi inkorporata kif xieraq fl-istrateġija u l-politiki futuri tal-UE dwar iż-żgħażagħ;

9.

Jisħaq li edukazzjoni diġitali ta' kwalità għolja, inklużiva u nondiskriminatorja trid tiżvolġi rwol sostanzjali fiż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fl-ICT u f'oqsma relatati mal-iSTEM u l-eliminazzjoni tad-differenza diġitali bejn il-ġeneri; jenfasizza li l-edukazzjoni diġitali trid toħloq inklużjoni diġitali u litteriżmu diġitali aħjar u tiżgura l-parteċipazzjoni ugwali tal-bniet u n-nisa fl-era diġitali; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-edukazzjoni STEM fil-livelli kollha, inkluża l-edukazzjoni ekstrakurrikulari, informali u mhux formali, anke għall-għalliema; jappella, għalhekk, għal strateġiji speċifiċi skont l-età; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni dwar ix-xjenza tal-kompjuter fil-kurrikuli nazzjonali u jistieden lill-korpi edukattivi jintegraw is-suġġetti tar-robotika, l-ikkowdjar, l-ICT u l-ipprogrammar fi stadju aktar bikri tal-edukazzjoni preprimarja u primarja sabiex jinkoraġġixxu lill-bniet u lill-istudenti nisa biex jagħżlu l-matematika, l-ikkowdjar, il-klassijiet tal-ICT u s-suġġetti tax-xjenza fl-iskola;

10.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-iskejjel u tal-għalliema fl-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni STEM, u jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-preżenza tal-bniet f'korsijiet relatati mal-iSTEM u fl-istabbiliment ta' punti ta' riferiment għall-monitoraġġ tar-reklutaġġ u ż-żamma tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri jinvestu fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-għalliema STEM fil-livell primarju u sekondarju biex jgħinuhom jifhmu u jindirizzaw prekunċetti mhux konxji fil-prattiki u l-valutazzjonijiet tat-tagħlim tagħhom u jinvolvu lill-istudenti kollha b'mod ugwali; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jinvolvu l-professjoni kollha tat-tagħlim fil-movimenti STEM u jinvolvu lill-għalliema bħala aġenti tal-bidla; jipproponi li l-pjanijiet ta' ugwaljanza jitfasslu mill-istabbilimenti edukattivi biex jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri fost l-għalliema; jitlob li l-kurrikuli u l-materjal edukattiv STEM jissaħħu sabiex tiġi promossa aħjar il-parteċipazzjoni ugwali fl-iSTEM; jitlob li jkun hemm gwida aħjar għall-karrieri u għal modi ġodda u kreattivi biex jispiraw lill-istudenti nisa biex jikkunsidraw karriera STEM; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li tissaħħaħ il-kapaċità tal-għalliema u tal-konsulenti tal-karrieri biex iħeġġu lill-bniet li juru interess fl-iSTEM biex isegwu karriera f'dan il-qasam, peress li għarfien aħjar tal-istereotipi u tad-differenzi bejn il-ġeneri fl-iSTEM jippermetti lill-edukaturi u l-konsulenti tal-karrieri jifhmu l-ostakli li jiffaċċjaw l-istudenti tagħhom, jiżguraw parteċipazzjoni ugwali fil-klassijiet STEM u jippromwovu l-karrieri STEM għall-istudenti nisa;

11.

Jenfasizza l-fatt li l-għalliema rġiel u persunal maskili ieħor jiddominaw l-istudji relatati mal-iSTEM fl-iskejjel, fl-universitajiet u fil-postijiet tax-xogħol, u dan iwassal għal nuqqas ta' mudelli eżemplari femminili u opportunitajiet limitati ta' gwida u mentoraġġ; iħeġġeġ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja permezz ta' kontenut edukattiv, taħriġ għall-għalliema u kurrikuli sensittivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, u jħeġġeġ lill-kumitati u lill-istituzzjonijiet involuti fir-reklutaġġ jippromwovu l-bilanċ bejn il-ġeneri biex jiġi evitat l-effett ta' nuqqas ta' appartenenza (“outsider effect”); jenfasizza l-ħtieġa għal investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ bi proċessi ta' reklutaġġ u għażla sensittivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru fis-setturi edukattivi kollha, speċjalment fl-iSTEM u f'setturi diġitali emerġenti, fejn in-nisa huma sottorappreżentati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu modi aktar attraenti u kreattivi biex juru mudelli eżemplari femminili b'karrieri ta' suċċess fl-ICT u l-iSTEM sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-bniet fil-ħiliet diġitali u jiġu mħeġġa jsegwu studji relatati mal-ICT u l-iSTEM;

12.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-edukazzjoni finanzjarja, inklużi simulazzjonijiet ta' prattiki finanzjarji, u r-relazzjoni tagħha mad-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet; jenfasizza li l-fatt li n-nisa żgħażagħ jitgħallmu dwar suġġetti bħad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi se jwitti t-triq mimli b'nisa finanzjarjament sikuri;

13.

Jinnota li l-bniet kollha għandhom ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn aċċess akbar għal soluzzjonijiet ta' tagħlim diġitali mill-aqwa u għandu jkollhom l-għodod u l-motivazzjonijiet biex jinvolvu ruħhom fit-teknoloġiji diġitali bħala utenti u kreaturi; jistieden lill-Istati Membri jqisu t-tħassib kontinwu dwar ir-riskju ta' tixrid ulterjuri tal-COVID-19 u jindirizzaw in-nuqqas ta' tagħmir tal-ICT u konnettività għal studenti vulnerabbli minn kuntesti soċjoekonomikament żvantaġġati, bħal bniet f'żoni rurali jew f'żoni li diffiċli jintlaħqu, u jiżviluppaw għodod li jiżguraw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni diġitali u l-funzjonament bla xkiel tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi ta' finanzjament speċjali għall-iskejjel f'żoni rurali, li qed isibu ruħhom dejjem aktar mingħajr il-finanzjament għal teknoloġiji avvanzati li ħafna distretti tal-iskejjel urbani jieħdu bħala fatt; jitlob, barra minn hekk, appoġġ aħjar għall-edukaturi fis-sistemi tal-iskejjel rurali biex jgħinhom jgħallmu l-kurrikuli STEM, b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ, l-għodod u l-infrastruttura;

14.

Jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati networks għan-nisa professjonisti STEM għal kampanji ta' komunikazzjoni fuq skala kbira biex jgħinu jittrasformaw il-perċezzjonijiet tan-nisa tal-iSTEM u għan-nisa fl-iSTEM biex jikkomunikaw mal-bniet permezz ta' appoġġ għall-karrieri, taħriġ fil-ħiliet u networking; ifaħħar id-diversi inizjattivi edukattivi mfassla biex jappoġġjaw lill-bniet u jippromwovu lin-nisa fl-ekonomija diġitali, inkluż l-użu ta' stejjer virali fuq il-midja soċjali, networks professjonali organizzati min-nisa, għan-nisa, u inizjattivi minn kumpaniji tat-teknoloġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' mentoraġġ li jkollhom mudelli eżemplari femminili fl-iSTEM fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ immirat fir-rigward tal-ġeneri fil-qafas tat-traineeships għal opportunitajiet diġitali biex tagħti lin-nisa żgħażagħ minn kuntesti differenti l-opportunità li jiksbu esperjenza prattika diġitali, tal-ICT u l-iSTEM f'oqsma li huma mitluba fis-suq tax-xogħol, u jħeġġeġ bil-qawwa l-promozzjoni ta' internships f'negozji STEM matul l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu inizjattivi li jappoġġjaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol tal-bniet, bħal gwida dwar il-karrieri fl-iskejjel, apprendistati u programmi ta' esperjenza ta' xogħol, bil-ħsieb li jiġu appoġġjati l-aspirazzjonijiet futuri tal-bniet u jinħolqu mogħdijiet għalihom għat-tranżizzjoni lejn il-forza tax-xogħol STEM;

15.

Jinnota li fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Mejju 2015 dwar il-Pjan Direzzjonali 2015-2020 għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-Kunsill stieden – għalxejn – lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew isarrfu l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ugwaljanza f'azzjoni effettiva sabiex jiġġieldu kontra l-iżbilanċi bejn il-ġeneri fl-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-korpi deċiżjonali u jintegraw aħjar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-politiki, il-programmi u l-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp; jirrikonoxxi l-objettiv tal-Kummissjoni li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-iSTEM mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u tappoġġja l-Koalizzjoni STEM tal-UE biex tiżviluppa kurrikuli tal-edukazzjoni għolja li jattiraw lin-nisa lejn l-inġinerija u l-ICT; jiddispjaċih għall-fatt li l-aċċess inugwali għan-nisa għall-pożizzjonijiet ta' riċerka, għall-finanzjament u l-ippubblikar għadu jippersisti, inkluża differenza mhux aġġustata bejn il-ġeneri fil-pagi fix-xjenza u l-akkademja, minkejja d-dispożizzjonijiet legali għal trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż dwar il-paga ugwali, fis-seħħ fl-UE u fl-Istati Membri;

16.

Jenfasizza l-għadd ta' każijiet ta' fastidju sesswali mġarrab minn studenti nisa fl-oqsma STEM fl-edukazzjoni terzjarja, u jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet edukattivi jistabbilixxu politiki ta' tolleranza żero għall-fastidju sesswali, jaqblu dwar kodiċijiet ta' kondotta u protokolli stretti, joħolqu kanali sikuri u privati ta' rapportar għan-nisa u l-bniet, u jirrapportaw il-każijiet kollha ta' fastidju sesswali lill-awtoritajiet rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet edukattivi jadottaw miżuri preventivi u sanzjonijiet adegwati għal min iwettaq fastidju sesswali sabiex jiġi indirizzat il-fastidju sesswali fl-iskejjel u fil-faċilitajiet edukattivi STEM;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa li fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali u fil-politiki tas-settur tal-edukazzjoni, l-ICT u x-xjenza jiġu inklużi opportunitajiet ta' tagħlim u karrieri fl-iSTEM reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

Karrieri

18.

Jiddispjaċih għall-fatt li n-nisa jiffaċċjaw ostakli sproporzjonatament akbar mill-irġiel fil-karrieri tagħhom, minħabba n-nuqqas ta' bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u żieda fix-xogħol ta' indukrar mhux imħallas fil-biċċa l-kbira tal-unitajiet domestiċi; jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 kompliet tiggrava s-sitwazzjoni tan-nisa, li kellhom jibbilanċjaw is-sahra tax-xogħol mill-bogħod filwaqt li jieħdu ħsieb it-tfal u jagħmlu xogħol ta' indukrar bla ħlas; jilmenta dwar l-impatt partikolarment negattiv tal-kultura “dejjem disponibbli” fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema b'responsabbiltajiet ta' indukrar, li għandhom tendenza li jkunu nisa; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jiżguraw li t-telexogħol iqis l-ostakli għaż-żamma ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jirrispetta d-dritt għall-iskonnessjoni, u jadottaw politiki favur il-familja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri adegwati biex jiggarantixxu politiki ta' tolleranza żero għall-fastidju sesswali, liv tal-maternità aħjar, ferm iżjed liv tal-paternità, u liv tal-ġenituri mħallas u mhux trasferibbli li jippermettu lin-nisa u l-irġiel jieħdu ħin frank biex jieħdu ħsieb lil uliedhom, u li jiġġieldu kontra n-norma li l-mara tkun il-ġenitur li tieħu pawża fil-karriera sabiex jingħeleb ostaklu enormi għan-nisa li javvanzaw fil-karrieri tagħhom filwaqt li jiġu żgurati ħinijiet tax-xogħol flessibbli, faċilitajiet tal-kura tat-tfal fuq il-post u telexogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata (20) u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm segwitu effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw bis-sħiħ il-kawżi u l-fatturi li jwasslu għal rata għolja fost in-nisa li jitilqu minn karrieri STEM, jifformulaw rakkomandazzjonijiet għal azzjoni biex jipprevjenu dan, jekk ikun meħtieġ, u jiżviluppaw mekkaniżmi u programmi li jinvolvu lin-nisa u l-bniet f'inizjattivi ta' edukazzjoni, taħriġ u impjieg u jadottaw politiki u miżuri adegwati għal dan il-għan; jenfasizza li l-COVID-19 qed tiftaħ kapitlu ġdid fid-dinja tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-governanza u l-ħajja ta' kuljum u enfasizzat l-importanza partikolari tal-litteriżmu u l-ħiliet diġitali u l-ħtieġa għal kundizzjonijiet ġodda dwar it-telexogħol, li wrew distakk sinifikanti bejn il-ġeneri matul il-pandemija u l-lockdowns konsegwenti; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi promoss il-bilanċ bejn il-ġeneri fis-settur diġitali meta wieħed iqis kif in-nies u l-kumpaniji jużaw l-ICT u teknoloġiji diġitali oħra biex jaħdmu u jinteraġixxu fis-soċjetà diġitali l-ġdida;

19.

Iqis li hija tal-akbar importanza li jkun hemm aktar mudelli eżemplari femminili u li jiżdied in-numru ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fis-settur STEM; jisħaq li l-perċentwal li qed jonqos ta' nisa f'pożizzjonijiet ogħla għandu effett negattiv fuq ir-reklutaġġ tan-nisa, li jkompli jnaqqas il-probabbiltà li n-nisa jinħatru f'pożizzjonijiet ogħla; jiddispjaċih għall-fatt li n-nisa huma sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fil-karrieri STEM, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-proċess deċiżjonali fl-oqsma tan-negozju u tal-maniġment; jissottolinja li d-diversità tal-ġeneru fil-bordijiet u f'pożizzjonijiet deċiżjonali ttejjeb il-prestazzjoni tan-negozji b'riżultat ta' spettru usa' ta' għarfien, attitudnijiet u esperjenza; jiddeplora l-eżistenza kemm tas-segregazzjoni orizzontali kif ukoll vertikali tal-ġeneri fil-ġerarkiji tal-universitajiet u l-iskejjel fl-Ewropa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa huma partikolarment sottorappreżentati fl-ogħla pożizzjonijiet akkademiċi u f'dawk tal-proċess deċiżjonali fl-istituzzjonijiet akkademiċi u fl-universitajiet u dan jindika l-eżistenza ta' saqaf tal-ħġieġ, jiġifieri ostakli inviżibbli ta' preġudizzju li jipprevjenu lin-nisa milli jilħqu pożizzjonijiet ta' responsabbiltà; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jadottaw id-Direttiva proposta dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet u jistabbilixxu miri għall-bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi deċiżjonali;

20.

Jiddispjaċih għall-fatt li d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi għadha realtà u hija saħansitra aktar evidenti fis-setturi ddominati mill-irġiel, bħall-ICT u l-kumpaniji teknoloġiċi (21); jistieden lill-atturi kollha jipprattikaw it-trasparenza fil-pagi; iħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka d-direttiva proposta dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, li għandha l-għan li testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni permezz ta' approċċ orizzontali;

21.

Jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-prattiki ta' reklutaġġ tagħhom u jintroduċu kwoti biex jippromwovu l-inklużjoni tan-nisa, speċjalment nisa minn kuntesti razzjali u etniċi differenti, nisa b'diżabilità u persuni LGBTI+;

22.

Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' djalogu inklużiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-kumpaniji privati, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-ordnijiet u l-istituti professjonali, l-istituzzjonijiet statali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, dawk li jfasslu l-politika u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili sabiex jikkoordinaw u jindirizzaw il-konnessjonijiet neqsin biex jippromwovu n-nisa fl-iSTEM; jisħaq li fid-dawl tal-importanza assoluta tal-ġlieda kontra l-istereotipi kulturali u soċjali kontra l-kapaċitajiet u r-rwoli tan-nisa fis-settur STEM, għandhom jiġu adottati miżuri mmirati biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħal leġiżlazzjoni dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jew politiki bħal inċentivi finanzjarji jew miżuri oħra sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-bniet fl-edukazzjoni u l-karrieri STEM; jitlob li jiġu pprovduti inċentivi lill-kumpaniji li jappoġġjaw mudelli eżemplari femminili, programmi ta' mentoraġġ u perkorsi tal-karriera, u li tiżdied il-viżibbiltà tan-nisa; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali li għandhom ċerti CEOs u persuni maniġerjali superjuri biex jeliminaw id-differenza diġitali bejn il-ġeneri billi jiżviluppaw politiki korporattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra l-istereotipi diġitali relatati mal-ġeneru, jippromwovu mudelli eżemplari, jimmotivaw lin-nisa biex jesploraw l-istudji STEM, jistimulaw it-taħriġ mill-ġdid jew it-titjib tal-ħiliet tan-nisa, jippromwovu skemi ta' mentoraġġ, u jtejbu l-immaġni tal-impjiegi tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jimpenjaw ruħhom mas-sħab kummerċjali fl-oqsma tal-ICT, tat-telekomunikazzjoni, tal-midja, u f'dawk diġitali, awdjoviżivi u teknoloġiċi kollha biex jippromwovu kultura u ambjent tax-xogħol inklużivi u bbilanċjati bejn il-ġeneri, inkluż billi jintroduċu miżuri bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi privati STEM u sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol STEM għal studenti li għadhom kemm gradwaw, bil-promozzjoni ta' skemi ta' apprendistat u ta' internships għal bniet u nisa żgħażagħ biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni tagħhom għas-suq tax-xogħol, permezz ta' tali inizjattivi bħal mentoraġġ u boroż ta' studju u sħubijiet pubbliċi-privati bejn sistemi tal-edukazzjoni, gvernijiet u kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti, bħat-teknoloġiji 3D, l-IA, in-nanoteknoloġija, ir-robotika u t-terapija ġenetika, u jaqsmu l-informazzjoni u l-prattiki tajbin fl-Istati Membri kollha għal dan il-għan;

23.

Jenfasizza r-relazzjoni bejn id-differenza bejn il-ġeneri u d-differenza bejn il-pensjonijiet; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jindirizzaw u jnaqqsu dawn id-differenzi u jieħdu passi ulterjuri biex jiżguraw li n-nisa jkunu jistgħu jiksbu aċċess adegwat għall-edukazzjoni, l-opportunità li jiksbu indipendenza ekonomika u opportunitajiet ta' progress fil-karriera;

Settur diġitali

24.

Jiddispjaċih għall-fatt li d-differenza bejn il-ġeneri teżisti fl-oqsma kollha tat-teknoloġija diġitali, iżda huwa partikolarment imħasseb dwar id-differenza bejn il-ġeneri fit-teknoloġiji innovattivi, bħall-oqsma tal-IA u taċ-ċibersigurtà, fejn il-preżenza femminili medja madwar id-dinja hija ta' 12 % u 20 % rispettivament (22); jipproponi li għandhom jingħataw aktar attenzjoni u appoġġ liż-żoni skarsament popolati u b'mod partikolari lil żoni rurali, fejn din is-sitwazzjoni qed tiggrava;

25.

Jisħaq li l-kwalità tas-settijiet ta' data użati hija ta' importanza kbira għall-prestazzjoni tat-teknoloġiji tal-IA, li l-IA ma tridx issaħħaħ l-inugwaljanzi u l-istereotipi tal-ġeneru billi tittrasforma l-preġudizzju mill-isfera analoga għal dik diġitali abbażi tal-algoritmi, u li l-IA tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, dment li jiġi żviluppat qafas legali xieraq u jiġu eliminati preġudizzji konxji u mhux konxji; jenfasizza li waħda mill-aktar dgħufijiet kritiċi tal-IA hija relatata ma' ċerti tipi ta' preġudizzji bħall-ġeneru, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon jew l-oriġini etnika, l-isfond soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali bħala riżultat ta' forza tax-xogħol omoġena; jinnota li t-tipi intersezzjonali ta' diskriminazzjoni jħallu lin-nisa marġinalizzati mit-teknoloġiji emerġenti, bħan-nisa ta' kulur li huma esklużi minħabba żbalji fit-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm diversi timijiet ta' żviluppaturi u inġiniera li jaħdmu flimkien mal-atturi ewlenin tas-soċjetà biex jiġi evitat li l-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru u l-kultura jiġu inklużi fl-algoritmi, fis-sistemi u fl-applikazzjonijiet tal-IA minħabba nuqqas ta' attenzjoni; jappoġġja l-ħolqien ta' kurrikuli edukattivi u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni pubblika li jikkonċernaw l-impatt soċjetali, legali u etiku tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri possibbli kollha biex jevitaw tali preġudizzji u jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-infrastruttura ta' sorveljanza mill-bniedem trid tiġi żviluppata qabel ma jiġu introdotti teknoloġiji tal-IA f'setturi b'riskju għoli, b'mod partikolari s-saħħa, u trid tinkludi esperti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

26.

Jirrikonoxxi li l-IA, jekk tkun ħielsa minn preġudizzji sottostanti, tista' tkun għodda b'saħħitha biex jingħelbu l-inugwaljanzi u l-istereotipi tal-ġeneru permezz tal-iżvilupp ta' algoritmi imparzjali u etiċi mid-disinn li jikkontribwixxu għall-ekwità u l-benesseri ġenerali; jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ komuni Ewropew fir-rigward tal-aspetti etiċi tal-IA; jisħaq, barra minn hekk, li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-IA jridu jirrispettaw il-valuri Ewropej, it-Trattati u l-liġijiet tal-UE, u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

27.

Jitlob li l-IA u l-awtomatizzazzjoni jkunu soċjalment responsabbli u jitfasslu b'tali mod li jippermettulna negħlbu l-inugwaljanzi inkluża d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u nindirizzaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa bħax-xogħol ta' indukrar bla ħlas, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, il-bullying ċibernetiku, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sesswali, it-traffikar, il-ksur tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, u s-sottorappreżentanza f'pożizzjonijiet ta' tmexxija; jitlob li l-IA u l-awtomatizzazzjoni jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-saħħa u l-prosperità ekonomika tan-nisa, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, id-drittijiet tal-ħaddiema u dawk soċjali, l-edukazzjoni ta' kwalità, il-protezzjoni tat-tfal, id-diversità kulturali u lingwistika, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-litteriżmu diġitali, l-innovazzjoni u l-kreattività, inkluż l-aċċess għall-finanzi, l-edukazzjoni għolja u opportunitajiet ta' xogħol flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil forom ġodda ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħall-fastidju ċibernetiku u s-cyberstalking (23) u jwettqu evalwazzjonijiet kontinwi u jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod aktar effettiv;

Intraprenditorija u aċċess għall-finanzjament

28.

Jiddispjaċih għall-fatt li n-nisa huma sottorappreżentati f'negozji ġodda mmexxija mill-innovazzjoni u jenfasizza l-preġudizzji tal-ġeneru u l-iżvantaġġi sistemiċi li jeżistu fl-istrutturi soċjali, b'mod partikolari f'dawk li jinsabu fl-intersezzjoni tal-iSTEM u l-intraprenditorija; iqis li hija tal-akbar importanza li jkun hemm aktar mudelli eżemplari femminili u li jiżdied in-numru ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fis-settur STEM; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki li jappoġġjaw u jisfruttaw il-potenzjal intraprenditorjali tan-nisa, li jibqgħu sors mhux sfruttat ta' tkabbir ekonomiku, innovazzjoni u ħolqien tal-impjiegi, jipprovdu aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar l-intraprenditorija bħala għażla ta' karriera attraenti, speċjalment għan-nisa żgħażagħ fl-iskola, u jimplimentaw politiki pubbliċi li jippromwovu l-intraprenditorija femminili; iqis li l-irkupru mill-COVID-19 jirrappreżenta opportunità sinifikanti biex l-intraprendituri nisa javvanzaw, biex ikunu jistgħu jibnu mill-ġdid l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna; jissottolinja li rkupru ġenwin mill-COVID-19 se jkun suċċess biss jekk tinkiseb Ewropa aktar ekoloġika, aktar ġusta u aktar ugwali mil-lat tal-ġeneri u tiġi żgurata l-integrazzjoni adegwata tal-perspettiva tal-ġeneri tal-fondi ta' rkupru tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li n-nisa jgawdu l-benefiċċji sħaħ f'termini ta' impjiegi u intraprenditorija f'setturi fejn tradizzjonalment kienu u għadhom sottorappreżentati b'mod sinifikanti, inklużi s-settur diġitali u dawk tal-IA, l-ICT u l-iSTEM;

29.

Iqis li s-sottorappreżentanza tan-nisa inkarigati minn deċiżjonijiet ta' investiment fid-ditti ta' kapital ta' riskju tikkostitwixxi sors ewlieni tad-diskrepanza persistenti fil-finanzjament għan-negozji l-ġodda u l-intrapriżi mmexxija min-nisa;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-opportunitajiet ta' finanzjament għal self u finanzjament mill-bejgħ ta' ishma għall-imprendituri nisa li jibdew negozji ġodda u għall-innovaturi nisa permezz ta' fondi u programmi tal-UE, jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-fondi eżistenti, joħolqu fondi speċjali u jfittxu modi ġodda u innovattivi biex jappoġġjaw finanzjarjament lin-nisa u jgħinuhom jegħlbu l-ostakli li jiffaċċjaw; jitlob li l-Bank Ewropew tal-Investiment jiġi inkluż ukoll fir-rigward tal-aċċess għall-mikrofinanzjament; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament tal-UE biex jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta għal sidien ta' negozji nisa u intraprendituri nisa; jitlob li n-Network Ewropew tal-Investituri Informali u n-Network Ewropew ta' Mentors għall-Imprendituri Nisa jiġu estiżi aktar, inkluż billi jiġu promossi laqgħat ta' innovaturi nisa, professjonisti tat-teknoloġija u investituri biex jistimulaw u jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-finanzjament għal impriżi mmexxija min-nisa;

31.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Premju tal-UE għall-Innovaturi Nisa, li jingħata kull sena lil nisa Ewropej li jkunu waqqfu kumpanija ta' suċċess u li jkunu ġabu innovazzjoni fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu modi addizzjonali biex iħeġġu lil aktar nisa jibdew il-kumpaniji tagħhom stess u jagħtu ġieħ lill-mexxejja nisa ta' ispirazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Impenn dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali adottata f'April 2019 u jiżviluppaw azzjonijiet konkreti biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur STEM, inkluż il-ħolqien ta' Jum Ewropew tal-Bniet fl-ICT u l-iSTEM; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar l-isforzi u l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tiżgura l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba;

o

o o

33.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 173.

(2)  ĠU C 349, 17.10.2017, p. 56.

(3)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.

(4)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2021)0026.

(6)  Studju – “Education and employment of women in science, technology and the digital economy, including AI and its influence on gender equality”, il-Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku C – Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, 15 ta April 2020.

(7)  Studju mħejji minn iclaves għad-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija, Kummissjoni Ewropea.

(8)  Eurostat, Statistika tal-edukazzjoni terzjarja, data estratta f'Settembru 2020.

(9)  Eurostat, Riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija, data medja annwali 2016-2020.

(10)  Kummissjoni Ewropea, Tabella ta' valutazzjoni dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali 2020.

(11)  International Association for the Evaluation of Educational Achievement (IEA), International Computer and Information Literacy Study (ICILS) 2018.

(12)  O'Dea, R. E., Lagisz, M., Jennions, M. D. et al., “Gender differences in individual variation in academic grades fail to fit expected patterns for STEM”, Nature Communications 9, 3777, 2018.

(13)  Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Economic benefits of gender equality in the EU: How gender equality in STEM education leads to economic growth, 2017.

(14)  Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, Violence against women: an EU-wide survey, 2014.

(15)  Rapport tal-Grupp ta' Esperti “Innovation through Gender”, Gendered Innovations: How Gender Analysis Contributes to Research, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Kummissjoni Ewropea, 2013.

(16)  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Bridging the digital gender divide: include, upskill, innovate, 2018.

(17)  Kummissjoni Ewropea u Bank Ewropew tal-Investiment, Funding women entrepreneurs: How to empower growth, 2018.

(18)  Kummissjoni Ewropea, She Figures 2018.

(19)  International Computer and Information Literacy Study (ICILS) 2018.

(20)  Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(21)  Lambrecht, A. u Tucker, C. E., “Algorithmic bias? An empirical study into apparent gender-based discrimination in the display of STEM career ads”, Management Science, Vol. 65, No 7, 2019, p. 2970.

(22)  Sax, L. J., Kanny, M. A., Jacobs, J. A. et al., “Understanding the Changing Dynamics of the Gender Gap in Undergraduate Engineering Majors: 1971-2011”, Research in Higher Education, Vol. 57, No 5, 2016; Shade, L. R., “Missing in action: Gender in Canada's digital economy agenda” (Nieqsa fl-azzjoni: Il-ġeneru fl-aġenda tal-ekonomija diġitali tal-Kanada), Signs: Journal of Women in Culture and Society, Vol. 39, No 4, 2014, pp. 887-896.

(23)  Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, Violence against Women: an EU-wide survery (Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha), 2014, p. 87.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/148


P9_TA(2021)0297

Il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus (2021/2708(RSP))

(2022/C 67/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2021 dwar il-finanzjament tal-azzjonijiet multimedjali u l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2021, inkluż l-anness għalih,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus (O-000036/2021 – B9-0023/2021),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

A.

billi r-radju wera li huwa mezz kruċjali għall-komunikazzjoni man-nies dwar l-affarijiet tal-UE;

B.

billi fi Stati Membri akbar u aktar popolati, l-istazzjonijiet tar-radju reġjonali u lokali, grazzi għall-preżenza kbira ħafna tagħhom fis-suq, spiss joffru perspettiva privileġġata dwar il-kontenut relatat mal-UE għal ammont konsiderevoli ta' semmiegħa u jagħtu kontribut effettiv għall-preservazzjoni ta' lingwi minuri;

C.

billi filwaqt li r-radju jista' jistabbilixxi ruħu bħala mezz ewlieni f'ambjent medjatiku fil-biċċa l-kbira diġitalizzat, id-diġitalizzazzjoni tax-xandir bil-ħoss fl-UE hija proċess fit-tul li jirrikjedi li l-istazzjonijiet tar-radju u n-networks ifasslu pjanijiet ta' tranżizzjoni, ixerrdu l-investimenti meħtieġa u jtaffu l-impatt ekonomiku sħiħ ta' din il-bidla;

D.

billi, stabbilit fl-2007, Euranet Plus huwa network uniku ta' stazzjonijiet tar-radju fl-UE li jirrapporta dwar avvenimenti fl-Ewropa minn perspettiva transnazzjonali; billi sa mill-istabbiliment tan-network, l-attivitajiet operattivi tiegħu ġew iffinanzjati prinċipalment minn finanzjament tal-UE; billi Euranet Plus bħalissa huwa magħmul minn 13-il xandar pubbliku u privat ewlieni fi 13-il Stat Membru, li flimkien jilħqu total kumulattiv ta' aktar minn 15-il miljun semmiegħ kuljum (1), u joffru firxa unika ta' servizzi ta' produzzjoni, xandir u editorjali ta' kwalità għolja lill-membri tiegħu, u b'hekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju (2) f'termini tal-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet li jeħtieġu tip partikolari ta' korp;

E.

billi l-ftehim ta' għotja attwali ma' Euranet Plus, b'valur ta' EUR 2,16 miljun fis-sena, huwa mistenni li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021;

F.

billi l-Parlament Ewropew ġie nnotifikat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-mudell ta' finanzjament futur għall-azzjonijiet multimedjali f'ittra tal-Kummissarju Breton tat-18 ta' Jannar 2021, li ddikjarat li l-ftehim ta' għotja ma' Euranet Plus mhux ser jiġġedded u ser jiġi sostitwit b'sejħa annwali kompetittiva għal proposti li għandha titnieda fl-2021;

G.

billi l-Kummissjoni ma ħaditx sehem fi djalogu strateġiku ma' Euranet Plus, kif ġie rrakkomandat b'mod espliċitu f'awditu reċenti, qabel ma ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-finanzjament futur tax-xandir bir-radju;

H.

billi l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (Kumitat CULT) ripetutament talab lill-Kummissjoni biex jiġi inkluż fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għal azzjonijiet multimedjali, spjega lill-Kummissjoni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-approċċ ippjanat kien inġust fuq Euranet Plus li, bħala network tar-radju pan-Ewropew b'missjoni ta' servizz pubbliku, jistħoqqlu li jiġi ttrattat bħala sieħeb uniku għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u d-diversità tal-midja fl-UE, u esprima, kemm bil-fomm kif ukoll bil-kitba, li ma jaqbilx b'mod fundamentali mal-bidla rapida tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-UE għax-xandir bir-radju, li ser ikun ta' tfixkil għall-kontinwità tas-servizz;

I.

billi fit-18 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni kompliet kif ippjanat bl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-finanzjament ta' azzjonijiet multimedjali u l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2021; billi l-Kummissjoni għamlitha ċara permezz ta' diversi skambji ta' fehmiet mal-persunal u l-Kummissarji li biħsiebha tikkonferma d-deċiżjoni tagħha rigward il-finanzjament futur tal-UE għal Euranet Plus, b'nuqqas totali ta' rispett għar-rieda politika tal-Parlament dwar din il-kwistjoni;

J.

billi mudell ta' finanzjament ibbażat fuq sejħiet annwali miftuħa għal proposti b'tul ta' żmien limitat ħafna mhuwiex finanzjarjament sostenibbli; billi l-fatt li ser titnieda sejħa din is-sena, mingħajr ebda miżura tranżizzjonali, huwa inġust fuq Euranet Plus, sieħeb li ilu żmien twil u huwa fdat, jagħmilha impossibbli għal Euranet li jfassal pjan ta' żvilupp fit-tul biex jagħmel il-bidla diġitali u jinvesti f'aktar titjib fil-prodotti u s-servizzi tiegħu, li x'aktarx iwassal għal-likwidazzjoni tal-organizzazzjoni u t-tneħħija tal-persunal tiegħu fil-bidu tal-2022;

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi n-natura unika ta' Euranet Plus bħala network tar-radju indipendenti li jindirizza b'suċċess id-distakk fl-informazzjoni bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha billi jsaħħaħ il-fehim tagħhom u jippromwovi d-dibattitu dwar l-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika tal-UE; jissottolinja li Euranet Plus jikkombina l-kapaċitajiet ta' produzzjoni u xandir fil-forniment ta' servizzi editorjali ta' kwalità għolja għall-istazzjonijiet tar-radju affiljati miegħu u l-aġenzija nnifisha, li tippjana l-koproduzzjonijiet, tippromwovi l-iskambji u tipproduċi formati pan-Ewropej għall-membri tagħha li jkunu mfassla apposta u fuq talba; jikkonkludi li Euranet Plus għalhekk jirrappreżenta portal uniku għas-sħubija konsiderevoli tiegħu ta' xandara pubbliċi u privati li, b'kontenut fi 12-il lingwa uffiċjali tal-UE, jilħqu aktar minn 15-il miljun semmiegħ kuljum li altrimenti jaf ma jinvolvux ruħhom fi kwistjonijiet relatati mal-UE;

2.

Jitlob li l-finanzjament ewlieni attwali ta' Euranet Plus jiġġedded għal tal-inqas sentejn fl-għamla ta' ftehim ta' għotja tranżizzjonali biex ikun jista' jiżviluppa pjan strateġiku fit-tul biex ikompli jiżviluppa n-network sa tmiem l-2027, bil-ħsieb li jespandi s-sħubija u l-kopertura ġeografika u lingwistika tiegħu, iħejji għall-bidla diġitali u jinvesti f'aktar titjib fil-prodotti u s-servizzi tiegħu; jitlob li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CONNECT) u għall-Baġit (DĠ BUDG) jiffurmaw grupp ta' ħidma interistituzzjonali ma' Euranet Plus u mal-Kumitat CULT biex jinstabu soluzzjonijiet tekniċi xierqa u jiġi implimentat qafas operattiv pluriennali; jenfasizza li miżuri tranżizzjonali bħal dawn ser jippermettu lill-organizzazzjoni tgħammar lilha nnifisha għal proċess kompetittiv u pluriennali li jaf jibda fl-2024; jenfasizza li dan l-approċċ ser joħloq l-aktar valur miżjud f'termini ta' sostenibbiltà, effiċjenza u użu tajjeb tal-finanzjament pubbliku tal-UE, għall-kuntrarju ta' proċeduri fuq perjodu qasir li mhux biss iġiegħlu lill-benefiċjarji jgħixu ħajja “mill-id għall-ħalq” iżda huma wkoll aktar għaljin f'termini amministrattivi;

3.

Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza d-deċiżjoni tagħha tat-18 ta' Marzu 2021 biex tiżgura li l-ammont ta' EUR 2,2 miljun, allokati għall-finanzjament ta' attivitajiet ta' xandir bir-radju fl-2022 fil-punt 2 tal-anness tagħha, ma jiġux allokati permezz ta' sejħa miftuħa iżda jingħataw direttament lil Euranet Plus abbażi tal-fatt li l-organizzazzjoni tkompli tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Is-sit web uffiċjali tan-Network Euranet Plus, “Our Network”.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

L-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/150


P9_TA(2021)0278

Il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2021 lill-Kunsill dwar il-75 u s-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2020/2128(INI))

(2022/C 67/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, biex tippreżenta proposti u emendi orali li jistgħu jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u biex teżerċita d-dritt ta' replika,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar l-azzjoni tal-UE biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2020, dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-Nazzjonijiet Uniti u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU (Settembru 2020-Settembru 2021),

wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel tal-25 ta' Settembru 2020 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar “Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha u aktar awtonoma li tixpruna dinja aktar ġusta”,

wara li kkunsidra l-artiklu ta' opinjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikat fit-22 ta' Settembru 2020 intitolat “L-UE Tappoġġa lin-NU”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa adottati f'Beijing u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti tas-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing + 5, + 10, + 15 u + 20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ġodda għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015, rispettivament,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta' Lulju 1998,

wara li kkunsidra l-20 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tan-NU adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2000 dwar ir-rwol importanti tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, fin-negozjati għall-paċi, fil-konsolidazzjoni tal-paċi, fiż-żamma tal-paċi, fir-rispons umanitarju u fir-rikostruzzjoni wara l-konflitti,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) 2019-2024, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda dwar id-WPS bħala kwistjoni trasversali fil-kwistjonijiet kollha tal-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2532 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-waqfien mill-ġlied fil-kuntest tal-pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-appoġġ għall-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu adottata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006, u li dalwaqt se tiġi aġġornata għas-seba' darba,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar Sistemi ta' Armi Awtonomi (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0173/2021),

A.

billi n-Nazzjonijiet Uniti din is-sena tiċċelebra l-75 anniversarju tagħha; billi n-NU wriet li hija forum universali essenzjali għall-bini ta' kunsens internazzjonali dwar il-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; billi hija wkoll fornitur ewlieni ta' appoġġ għal stati fraġli u komunitajiet vulnerabbli fil-bini tal-istat u fir-riżoluzzjoni tal-konflitti; billi t-tensjonijiet politiċi li qed jiżdiedu qed ifixklu l-aġenda tan-NU; billi l-kisbiet u r-rwol indispensabbli tan-NU spiss jiġu injorati fi tfittxija minn xi pajjiżi biex javvanzaw deċiżjonijiet unilaterali; billi huwa importanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha, li jiżguraw li n-NU tibqa' forum effiċjenti u effikaċi għall-benefiċċju tal-komunità internazzjonali, u li tkun tista' tkompli twettaq l-isfidi globali preżenti u futuri, li jistgħu jinkisbu biss permezz tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tas-soluzzjonijiet multilaterali; billi t-tliet pilastri tan-NU huma (i) il-paċi u s-sigurtà, (ii) l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, u (iii) l-istat tad-dritt, u huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja, u billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'ħafna Stati Membri tan-NU; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw dejjem aktar theddid għall-ħidma leġittima tagħhom f'livell globali f'kuntest fejn ir-restrizzjonijiet u l-lockdowns marbuta mal-COVID-19 naqqsu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-istati għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni biex jiggarantixxu li l-persuni, il-komunitajiet lokali u l-gruppi tal-popolazzjoni kollha jkollhom id-dritt għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom f'konformità mal-objettivi fundamentali u l-prinċipji gwida tan-NU kif minquxa fil-Karta ta' Twaqqif tagħha tal-1945 u fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi s-salvagwardja u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-prinċipji ewlenin tan-NU; billi rapporti reċenti tan-NU indikaw li diversi Stati Membri tan-NU qed jiksru u jdgħajfu b'mod sistematiku d-drittijiet tal-bniedem; billi l-iskop oriġinali tan-NU – iż-żamma tal-paċi – ġie kkontestat minn kriżijiet kumplessi u kontinwi;

B.

billi l-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-ħtieġa urġenti għall-bini ta' kapaċità reżiljenti madwar il-komunità internazzjonali u għall-ħtieġa ta' djalogu u kooperazzjoni multilaterali mill-qrib, b'attenzjoni partikolari għall-aċċess għall-beni pubbliċi; billi r-rwol, l-għarfien espert u l-integrità tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) huma, speċjalment issa, ta' importanza kruċjali għall-koordinazzjoni u l-isforzi globali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; billi d-WHO trid tkompli tavvanza l-kapaċità tagħha li timmaniġġa l-pandemija attwali u r-riskji futuri tal-pandemija; billi l-Aġenda 2030 u l-SDGs jipprovdu pjan direzzjonali ċentrali għall-irkupru u l-azzjoni, diġà vvalidat mill-komunità internazzjonali; billi l-COVID-19 x'aktarx li se taċċellera x-xejriet negattivi – inkluż it-theddid għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – sakemm ma titteħidx azzjoni politika rapida, sinifikanti u sostanzjali f'livell globali; billi l-iskrutinju parlamentari fuq id-deċiżjonijiet tal-gvern huwa importanti wkoll bil-ħsieb li jiġi żgurat rispett strett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini; billi l-kooperazzjoni tal-UE u n-NU hija kruċjali fil-ġlieda kontra dawn ix-xejriet; billi l-pandemija enfasizzat il-fatt li l-promozzjoni tas-saħħa universali mhijiex biss imperattiv morali, iżda wkoll prerekwiżit għall-benesseri u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll għall-emanċipazzjoni tal-persuni kollha, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza li jsir investiment akbar u aħjar fl-indirizzar tal-ħtiġijiet kritiċi tas-saħħa fil-livell globali;

C.

billi d-WHO, bħala l-awtorità eżekuttiva tan-NU li tikkoordina l-azzjoni tas-saħħa fi ħdan is-sistema tan-NU, tipprovdi tmexxija fi kwistjonijiet dinjija tas-saħħa; billi s-sitt punti fokali tal-aġenda tas-saħħa u l-iżvilupp tad-WHO għas-seklu 21 jinkludu l-użu tajjeb tar-riċerka, l-informazzjoni u l-evidenza, u t-tisħiħ tal-alleanzi permezz ta' appoġġ u kooperazzjoni fost is-sħab, inklużi korpi fi ħdan in-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, donaturi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat;

D.

billi n-NU tipprovdi forum importanti għal djalogu inklużiv fost id-debituri sovrani, il-kredituri u partijiet ikkonċernati oħra;

E.

billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU wera tmexxija eċċellenti fil-progress tar-riforma tan-NU; billi huma meħtieġa aktar miżuri kuraġġużi u determinazzjoni politika biex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti ewlenin, b'mod partikolari r-riforma tal-istruttura tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħala l-akbar kontributuri finanzjarji tan-NU, meħuda flimkien, urew impenn importanti favur multilateraliżmu effettiv permezz tal-appoġġ politiku, simboliku u finanzjarju tagħhom lin-NU, bl-għan ewlieni tal-qerda tal-faqar, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà fit-tul, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-traffikar u l-għoti tal-assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li jiffaċċjaw kull tip ta' kriżi, kemm dik naturali kif ukoll dik ikkawżata mill-bniedem; billi l-problema ta' finanzjament adegwat tas-sistema tan-NU għadha sfida; billi l-UE għandha tistieden lin-NU biex tagħmel aktar fit-tfittxija tagħha għal riforma li se tinkludi aktar nisa, żgħażagħ u persuni b'diżabilità fost il-persunal u t-tmexxija tagħha, u tqajjem kuxjenza dwar l-intersezzjonalità fl-istrutturi tan-NU;

1.

Jirrakkomanda li l-Kunsill:

(a)

ikompli bir-rekord importanti tiegħu ta' appoġġ għal multilateraliżmu effettiv, għal organizzazzjonijiet multilaterali effiċjenti u trasparenti, u f'appoġġ lin-NU b'mod partikolari bħala forum indispensabbli għal soluzzjonijiet multilaterali tal-isfidi globali u għas-sensibilizzazzjoni tal-politika, id-djalogu politiku u l-bini ta' kunsens madwar il-komunità internazzjonali; il-Parlament jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE fin-NU u l-75 Assemblea Ġenerali tan-NU, meqjusa bħala fora effettivi għall-promozzjoni tal-valuri universali li huma wkoll il-valuri ewlenin tal-UE; jafferma mill-ġdid li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu l-valuri u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji u l-objettivi tan-NU fl-azzjoni esterna tal-UE; hu tal-fehma li l-UE teħtieġ sħab globali u reġjonali sabiex tilħaq b'suċċess l-objettivi tal-politika estera tagħha, jiġifieri fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-konflitti reġjonali u fil-ġlieda kontra Stati falluti u l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħha biex tiżviluppa sħubijiet usa' għall-appoġġ tal-multilateraliżmu effettiv u għandha tikkunsidra li tinkludi diskussjonijiet iffukati fuq multilateraliżmu effettiv fid-djalogi strutturati kollha mas-sħab tagħha; jinnota wkoll li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u li l-promozzjoni ta' dawn il-valuri esternament, l-avvanz tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 21 TUE u l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, u li dan għandu jiġi rifless ukoll, b'mod effettiv u koerenti, fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi u l-istituzzjonijiet mhux tal-UE u fl-objettivi segwiti mill-UE fis-Sistema tan-NU, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Dritt Internazzjonali; hu tal-fehma, għalhekk, li l-Kunsill għandu jappoġġa l-attivitajiet kollha biex il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu fil-quċċata tal-aġenda tan-NU fid-dawl tal-isforzi biex tiġi mminata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tan-NU billi jiġu subordinati d-drittijiet tal-bniedem individwali għall-allegat benessri tas-soċjetajiet kollha; jappoġġa azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward biex tissaħħaħ l-arkitettura tan-NU;

(b)

ikun tal-fehma li, f'kuntest multipolari fejn xi pajjiżi qed jippromwovu multilateraliżmu selettiv aktar milli multilateraliżmu effettiv minsuġ fil-valuri universali, l-UE għandha tfittex li tippromwovi impenn akbar u mingħajr kundizzjonijiet mill-membri tan-NU għall-valuri universali, sistema bbażata fuq ir-regoli u s-supremazija tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha ta' politika; il-Parlament jappella għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' tali valuri fl-oqsma kollha tal-politika u tal-ipprogrammar tan-NU, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, bil-ħsieb li jsir progress fid-djalogu politiku u fis-soluzzjonijiet ta' politika, fl-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-kapaċità, filwaqt li jitqies li n-NU hija organizzazzjoni intergovernattiva, li teħtieġ il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tan-NU; jistieden lill-Kunsill jaħtaf l-opportunità tal-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti u jkompli jikkomunika mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet politiċi u ta' politika ta' interess komuni u jżomm kapaċità ta' djalogu u sħubija biex jerġa' jibni u jippreserva l-potenzjal tas-Sħubija Trans-Atlantika u l-kooperazzjoni fis-Sistema tan-NU għall-futur; ifaħħar, f'dan ir-rigward, is-“Summit dinji għad-Demokrazija biex jiġġedded l-ispirtu u l-iskop komuni tan-nazzjonijiet tad-dinja l-ħielsa” propost mill-President tal-Istati Uniti Joe Biden u jitlob lill-Kunsill jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta' dan is-Summit, bil-għan li jlaqqa' flimkien id-demokraziji tad-dinja sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u jiġu promossi l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill biex bl-istess mod isegwi aktar ir-rekord tajjeb ta' djalogu mill-qrib u kooperazzjoni mar-Renju Unit bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

(c)

ikompli bl-isforzi tiegħu biex jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jitkellmu b'vuċi waħda fin-NU u f'fora multilaterali oħra u jagħmel il-politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar effettiva u proattiva billi juża r-regola tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess strateġiku ewlieni għall-UE jew f'riflessjoni tal-valuri fundamentali tagħha, peress li dan huwa l-uniku mod li bih l-Unjoni jista' jkollha rwol ewlieni fix-xena internazzjonali u tuża l-influwenza tagħha biex twassal għal bidliet pożittivi u risponsi aħjar għal sfidi globali, b'referenza partikolari għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) u r-rekord tajjeb ta' kooperazzjoni mal-membru permanenti u b'rotazzjoni tal-KSNU li huma Stati Membri tal-UE, mal-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) u mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC); il-Parlament ifaħħar ir-rwol eċċellenti tas-SEAE u tad-delegazzjonijiet tiegħu, kif ukoll tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, fil-faċilitazzjoni ta' tali djalogu u kooperazzjoni; hu tal-fehma li, sabiex tħares l-objettivi u l-interessi tagħha, l-UE għandha tfittex li tasal għal pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà permezz ta' koordinazzjoni fi ħdan il-Kunsill u fost l-istituzzjonijiet tal-UE; f'konformità mal-Artikolu 34 tat-TUE, sabiex jitjiebu l-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fil-livell tan-NU; ifakkar li l-UE hija rappreżentata fin-NU minn diversi atturi;

(d)

ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU dwar it-tfassil ta' strumenti biex tiġi indirizzata l-problema rikorrenti tal-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, inkluż billi tibni fuq l-esperjenza tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Parlament Ewropew;

(e)

ifakkar li d-dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ivvalutati minn diversi Stati Membri għandu effetti estremament negattivi fuq il-ħidma tan-NU u għalhekk mhuwiex aċċettabbli;

(f)

jappoġġa l-isforzi kollha biex l-aġenda dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm terġa' titqiegħed fuq l-aġenda internazzjonali u jħeġġeġ li t-trasferimenti ta' armi konvenzjonali bejn l-Istati Membri tan-NU jikkonformaw bis-sħiħ mal-kriterji tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA); jikkonvinċi lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta, kif iddikjarat fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi, qafas legali vinkolanti li jipprojbixxi l-esportazzjoni u l-bejgħ ta' armi u teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika li l-għan tagħhom huwa li jitwettqu delitti tal-gwerra u/jew it-trażżin tad-dissens intern; itenni li multilateraliżmu effettiv u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huma prekundizzjoni għall-avvanz tad-diżarm u għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha għal trattati internazzjonali eżistenti, fost l-oħrajn, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi (CTBT), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), it-TKA, il-Konvenzjonijiet dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi u dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal u l-promozzjoni ta' sforzi għall-iżvilupp ta' dikjarazzjoni politika dwar Armi Splussivi f'Żoni Popolati (EWIPA), kif ukoll definizzjoni ċara ta' armi awtonomi; il-Parlament iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jaħdmu lejn il-bidu ta' negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi sistemi ta' armi awtonomi letali mingħajr kontroll uman sinifikanti; jirrakkomanda li l-Kunsill iħeġġeġ lill-potenzi nukleari ewlenin biex iwaqqfu l-irtirar tagħhom mir-reġim tal-kontroll tal-armi u biex jiksbu progress fit-taħditiet dwar il-kontroll tal-armi nukleari; jirrakkomanda li l-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Uniti u lir-Russja biex jibdew jibnu fiduċja reċiproka u kunfidenza sabiex jerġa' jibda d-djalogu dwar modi kif tinbena relazzjoni ġdida ta' kontroll tal-armi possibbli; hu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-ħidmiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ispazju Extratmosferiku tal-Kummissjoni dwar id-Diżarm tan-NU dwar l-implimentazzjoni prattika ta' miżuri ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku; hu tal-fehma li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għandu jipprovdi opportunità siewja biex jiġu definiti standards u twissijiet komuni għal teknoloġiji militari ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, l-armi spazjali, il-bijoteknoloġiji u l-ipersoniċi; jemmen li l-UE għandha tappoġġa u tikkontribwixxi b'mod attiv għas-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal waqfien mill-ġlied globali, inkluż permezz ta' miżuri effettivi kontra l-kummerċ illeċitu tal-armi u t-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri;

(g)

jirrikonoxxi l-potenzjal ta' involviment reġjonali dirett fin-NU billi jappoġġa organizzazzjonijiet oħra, bħall-Unjoni Afrikana (UA), fil-possibbiltà li jitolbu status speċifiku bħala osservatur privileġġat; jirrikonoxxi u juża l-potenzjal tal-UE, bħala l-aktar organizzazzjoni reġjonali sofistikata, li jkollha rwol ta' tmexxija fir-rilanċ u t-tisħiħ tas-sistema tan-NU permezz ta' multilateraliżmu f'diversi livelli;

(h)

ikompli jipprovdi appoġġ siewi lis-Segretarju Ġenerali tan-NU fit-tfittxija tiegħu biex javvanza l-programm ta' riformi fin-NU, isaħħaħ il-kapaċità tan-NU għal aktar żvilupp sostenibbli, jippromwovi l-paċi u s-sigurtà, jissimplifika s-sistema ta' ġestjoni interna tagħha bil-ħsieb li tkun NU effettiva, trasparenti, finanzjarjament sostenibbli u responsabbli, li kapaċi terġa' tingħaqad maċ-ċittadini tagħha, inklużi l-komunitajiet lokali u l-atturi lokali oħra u s-soċjetà ċivili, u li tkun aktar allinjata mal-aġenda globali diffiċli; jieħu rwol ta' tmexxija dwar il-kwistjoni tad-differiment arbitrarju tal-applikazzjonijiet minn għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-istatus konsultattiv tan-NU; il-Parlament jissottolinja li l-progress kbir miksub fil-proċess ta' riforma tan-NU kien fl-isfera amministrattiva u burokratika, filwaqt li r-riformi politiċi ewlenin għadhom pendenti, u għandu jinkludi r-rivitalizzazzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u passi konkreti biex jitħaffef l-allinjament tas-sistema ta' żvilupp mal-Aġenda 2030; hu tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom isibu kunsens wiesa' biex jirriformaw il-KSNU fost l-oħrajn siġġu permanenti għall-Unjoni Ewropea, flimkien ma' siġġijiet diġà eżistenti miżmuma mill-Istati Membri, u limitazzjoni tal-użu tad-dritt tal-veto, b'mod partikolari f'każijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u bidla fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu biex jirriflettu aħjar id-dinja tal-lum; jemmen li l-UE għandha tappoġġa lis-Segretarju Ġenerali u titolbu jintensifika l-isforzi tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU dwar il-Parità bejn il-Ġeneri biex tiġi żgurata rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU fil-livelli ġerarkiċi kollha; hu tal-fehma li l-UE għandha tfakkar lin-NU li, mill-ħolqien tan-NU fl-1945, l-ebda mara ma nħatret Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;

(i)

ikompli jfittex sinerġiji akbar bejn il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC), l-AĠNU u l-KSNU; il-Parlament ifaħħar il-ħidma tal-UE fl-appoġġ tal-ħidma tal-HRC, u l-Proċeduri Speċjali tan-NU, inklużi r-Rapporteurs Speċjali, b'mod partikolari meta jidentifikaw u jimmonitorjaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u mekkaniżmi tematiċi u speċifiċi oħra għall-pajjiż tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tal-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem jiġu integrati bħala drittijiet indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati fl-oqsma kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-politika tan-NU; hu tal-fehma li l-UE għandha tkompli tappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-protezzjoni u l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u għandha tfittex li tattiva mekkaniżmi disponibbli tan-NU biex il-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja, b'mod partikolari meta l-pajjiżi kkonċernati ma jkunux jistgħu jinvestigaw reati bħal dawn jew jirrifjutaw li jinvestigawhom u ma jiggarantixxux il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha; jenfasizza l-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-uffiċċju tagħha fid-denunzja tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ li tiġi garantita l-imparzjalità tal-korpi kollha relatati mad-difiża u l-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, li jiġu protetti minn interferenza possibbli minn dawk l-istati li huma suspettati bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew nuqqas ta' rispett tagħhom; jiddeplora l-abbuż tal-HRC minn reġimi awtoritarji li jkomplu jabbużawh għall-għanijiet tagħhom, b'mod partikolari, biex jimminaw l-funzjonament tiegħu, u jnaqqru r-reġim tan-normi tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw riforma komprensiva tal-HRC; jissottolinja, għalhekk, l-importanza tal-promozzjoni ta' riforma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) li tista' tiżgura impenn reali għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem b'mod effettiv u imparzjali mill-Istati Membri kollha bir-riskju, inkella li l-kredibbiltà tal-HRC tkun imminata; itenni l-ħtieġa li jiġi rieżaminat il-proċess elettorali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, bħal projbizzjoni ta' “listi magħluqa” u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu pubbliku ta' “rieżami tal-wegħdiet” biex tittejjeb ir-responsabbiltà tal-membri tal-kunsill u biex jiġi garantit li kull stat b'siġġu fil-kunsill jagħmel l-almu tiegħu biex jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mar-riżoluzzjoni li waqqfet il-kunsill; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw pożizzjoni koordinata fir-rigward tas-sħubija fl-HRC u jivvotaw kontra l-kandidati kollha tal-UNHRC li jonqsu milli jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-riżoluzzjoni 60/251 tal-AĠNU tal-15 ta' Marzu 2006; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jitolbu rapport annwali mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iffokat fuq il-kooperazzjoni mill-membri tal-Kunsill mal-mekkaniżmi tan-NU u biex jagħmlu pressjoni fuq il-membri magħżula għall-Kunsill biex joħorġu stediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-HRC; jiddispjaċih dwar l-involviment tal-Venezwela bħala membru sħiħ tal-UNHRC bejn l-2020 u l-2022, meta n-NU nnifisha, fir-rapport tagħha tal-2020, approvat rapporti ta' delitti kontra l-umanità mwettqa mill-Gvern Venezwelan, u jirrimarka li hemm nuqqas ċar ta' konsistenza f'din is-sitwazzjoni;

(j)

jemmen li l-UE għandha tappoġġa l-istabbiliment fi ħdan il-UNHRC ta' kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex tinvestiga fatti u ċirkostanzi relatati ma' allegazzjonijiet ta' razziżmu sistematiku, ksur u abbużi; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u l-kultura fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda intersezzjonali kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata;

(k)

ikompli jsaħħaħ ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex jippromwovi r-responsabbiltà biex tintemm l-impunità u jipprovdi lill-QKI b'riżorsi diplomatiċi, politiċi u finanzjarji xierqa b'saħħithom biex tkun tista' twettaq il-kompiti fi ħdan il-mandat tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jingħaqdu mal-QKI billi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; jistieden lil dawk li jirtiraw mill-QKI biex ireġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom; jappoġġa l-QKI bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jinżammu responsabbli għal għemilhom u l-vittmi jiġu assistiti fil-kisba tal-ġustizzja, u biex iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; il-Parlament jiddispjaċih u jikkundanna l-attakki kontra l-QKI u jkompli jopponi bil-qawwa kwalunkwe azzjoni offensiva u pretensjonijiet jew dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati li jdgħajfu l-QKI u s-sistema tal-istatut ta' Ruma b'mod ġenerali; jilqa' l-azzjonijiet konkreti biex jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-persunal tal-QKI inkluż il-Kap Prosekutur tal-QKI; hu tal-fehma li l-UE għandha timpenja ruħha fi djalogu msaħħaħ mal-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet relatati mal-QKI u li l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda globali kontra r-reati internazzjonali billi tappoġġa inizjattivi li għandhom l-għan li jippromwovu l-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali u l-bini tal-kapaċità tal-Istati Membri tan-NU biex japplikawh fis-sistemi legali domestiċi tagħhom; jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità, inkluż l-appoġġ tagħha għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, li huwa element fundamentali tal-vuċi tal-UE fin-NU u jissottolinja wkoll li l-QKI hija l-unika istituzzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità li tipproċessa wħud mill-aktar delitti orribbli tad-dinja u li tiddefendi lill-vittmi li ma għandhom l-ebda rikors ieħor;

(l)

jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għall-aderenza universali u l-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali, u jtenni l-appoġġ għalihom, u l-impenn tiegħu għal ordni internazzjonali bbażat fuq l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali; jilqa' d-djalogu mibdi mill-Grupp għall-Koordinament u r-Riżorsi fil-qasam tal-Istat tad-Dritt u l-Unità tal-Istat tad-Dritt fl-Uffiċċju Eżekuttiv tas-Segretarju Ġenerali mal-Istati Membri dwar is-suġġett “Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali” u jappella għat-tkomplija ta' dan id-djalogu bil-ħsieb li jitrawwem l-istat tad-dritt fil-livell internazzjonali; il-Parlament jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lis-sistema tan-NU jindirizzaw b'mod sistematiku, kif xieraq, l-aspetti tal-istat tad-dritt f'attivitajiet rilevanti, inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa f'attivitajiet relatati mal-istat tad-dritt;

(m)

jiġġieled b'mod attiv kontra tentattivi minn xi individwi jew koalizzjonijiet ta' pajjiżi biex jimminaw il-kunsens internazzjonali dwar is-saħħa u d-drittijiet riproduttivi; b'mod partikolari, jiddenunzja d-“Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar il-Kunsens” reċenti, immexxija mill-amministrazzjoni Trump u ffirmata b'mod konġunt minn 32 gvern fil-biċċa l-kbira illiberali jew awtoritarji; il-Parlament jesprimi l-iskumdità kbira tiegħu li jara żewġ Stati Membri tal-UE, l-Ungerija u l-Polonja, jiffirmaw din id-dikjarazzjoni retrogradata li għandha l-għan li timmina l-libertajiet riproduttivi tan-nisa u d-drittijiet tal-persuni LGBT;

(n)

jappoġġa l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma intergovernattiv miftuħ (OEIGWG) stabbilit reċentement għall-iżvilupp ta' trattat legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra bil-ħsieb li jiġi stabbilit strument legalment vinkolanti li jiżgura li l-kumpaniji jkunu kompletament responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-reati ambjentali;

(o)

ikompli jżid l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità għal reati kontra ġurnalisti, ħaddiema tal-media u persunal assoċjat, inklużi dawk lokali, u jniedi inizjattivi konkreti f'dan ir-rigward; jappoġġa s-sejħa tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji biex jiġi stabbilit mekkaniżmu investigattiv permanenti tan-NU dwar ir-reati kontra l-ġurnalisti u jappoġġa l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti madwar id-dinja; jadotta politika biex jiddenunzja, b'mod sistematiku u inekwivoku, il-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB), inklużi d-difensuri ambjentali u tal-art tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe tentattiv biex dawn jiġu soġġetti għal kwalunkwe forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddida, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju; jappella lill-Istati Membri tan-NU jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju; ikompli jippromwovi, permezz tal-mezzi diplomatiċi kollha u f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU, għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja u għas-sejħa ta' moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt;

(p)

ikompli jespandi s-sett ta' għodod tiegħu għad-diplomazija u s-sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-paċi, is-sigurtà internazzjonali u l-istabbiltà fuq terminu twil, id-diplomazija dwar il-klima, id-diplomazija kulturali, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-globalizzazzjoni ġusta u l-kapaċità ta' segwitu ta' djalogu politiku u kunsens politiku, mhux biss mal-membri tan-NU iżda wkoll ma' interlokuturi rilevanti bħal bliet, reġjuni, l-akkademja, entitajiet u komunitajiet reliġjużi, is-soċjetà ċivili, komunitajiet lokali u indiġeni u s-settur privat; jagħmel sforzi biex isib soluzzjonijiet għal problemi globali, bħat-tibdil fil-klima, bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi ma' sħab li magħhom punti oħra tal-aġenda huma kkontestati ħafna, u b'hekk joffri opportunità biex jissaħħu l-istabbiltà u l-paċi; il-Parlament jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħidma tas-sistema tan-NU b'diversi modi u f'diversi forom;

(q)

itenni l-kundanna inekwivoka tiegħu għat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ Daesh/ISIS, li jirrappreżentaw theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; jaħdem mal-AĠNU u l-KSNU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u fil-bini ta' mekkaniżmi li jiżvelaw terroristi u organizzazzjonijiet terroristiċi u fit-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' ffriżar tal-assi madwar id-dinja; jimpenja ruħu li jsaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, partikolarment billi jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jiġu żviluppati r-riċerka fiċ-ċiberdifiża u l-bini ta' kapaċità; jappoġġa inizjattivi attwali tas-sħab lokali għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi maħsuba biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ f'organizzazzjonijiet terroristiċi; ikompli bl-isforzi tiegħu biex irażżan ir-reklutaġġ, il-ġlieda kontra l-ġellieda barranin, l-estremiżmu vjolenti, u l-propaganda terroristika; jappoġġa azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiżguraw l-inklużjoni soċjali u billi jesploraw inizjattivi li jinvolvu ruħhom ma' mexxejja u ministri reliġjużi moderati; jaħdem biex isaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali, u l-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali bħala appoġġ għall-politiki kontra r-radikalizzazzjoni u d-deradikalizzazzjoni f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; jippromwovi l-ħidma fin-NU fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi timplimenta u taġġorna l-erba' pilastri tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu approvata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006; imexxi r-rieżami li jmiss tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu billi jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem u l-approċċi ta' prevenzjoni;

(r)

jespandi aktar il-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, l-Unjoni Afrikana (UA) u n-NU; il-Parlament jisħaq fuq l-importanza ta' sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità mill-UE, in-NU u l-UA biex ikomplu jikkooperaw mal-UA fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-UA għall-prevenzjoni tal-kriżijiet, il-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-konflitti fil-kontinent Afrikan, anke permezz ta' kontinwazzjoni koerenti tal-appoġġ fit-tul tal-UE u tan-NU għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA), kif ukoll kapaċitajiet f'oqsma oħra ta' politika ta' rilevanza għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Afrika, pereżempju fuq il-bażi ta' indiċi ta' sigurtà tal-bniedem, inkluż f'termini ekonomiċi u ambjentali, u fir-rigward tal-aċċess għall-beni pubbliċi; jisħaq fuq il-ħtieġa f'dan ir-rigward li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni fir-reġjun tas-Saħel fid-dawl tal-instabbiltà li qed tiżdied; hu tal-fehma li l-UE jista' jkollha kapaċità attrattiva sostanzjali bil-ħila tagħha li twettaq l-aspirazzjonijiet ta' sħubija tal-kontinent Afrikan u l-istituzzjonijiet tiegħu permezz ta' sħubijiet bejn partijiet ugwali f'konformità mal-istrateġika UE-Afrika l-ġdida; jissottolinja l-importanza ta' djalogu politiku u ta' politika aktar mill-qrib mas-sħab tal-UE fl-Afrika, inkluż appoġġ u djalogu mal-organizzazzjonijiet reġjonali u fi ħdan id-dimensjonijiet parlamentari; jisħaq fuq l-importanza li jiġu intensifikati, fi ħdan il-qafas tan-NU, id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi Afrikani tal-viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni ta' sigurtà u stabbiltà;

(s)

jirrikonoxxi u jibni fuq il-progress sinifikanti li sar mill-UE u n-NU fl-għoti ta' appoġġ u bini ta' kapaċità fir-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika; il-Parlament ifaħħar ir-rwol u l-kooperazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili u militari tal-UE tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-missjonijiet tan-NU, inkluża l-Istrateġija Integrata tan-NU għas-Saħel u l-Pjan ta' Appoġġ tagħha, il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali (MINUSMA) u l-Uffiċċju tan-NU għall-Afrika tal-Punent; jilqa' l-iffirmar tal-arranġament tekniku bejn il-G5 tas-Saħel, l-UE u n-NU għall-forniment ta' appoġġ operazzjonali u loġistiku għall-Forza Konġunta fil-ħames pajjiżi tal-G5 tas-Saħel biex ifakkru l-kooperazzjoni eċċellenti bejn it-tliet organizzazzjonijiet; hu tal-fehma li l-UE għandha tappoġġa l-appell lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex il-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel titqiegħed taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u biex din tingħata finanzjament fit-tul; ifakkar li l-iżvilupp, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Afrikan, speċjalment ir-reġjuni tal-Magreb u s-Saħel, jaffettwaw direttament lill-UE u l-fruntieri esterni tagħha; jistieden lill-UE tappoġġa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha man-NU u l-UA fl-appoġġ għall-iżvilupp, l-indirizzar tal-faqar u l-bini tal-kapaċitajiet mas-sħab lokali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-traffikar tal-bnedmin;

(t)

isawwar kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-Amerika Latina – reġjun li miegħu għandna ħafna rabtiet u valuri, u li ntlaqat ħażin mill-pandemija tal-COVID-19 – sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni b'mod koordinat fi ħdan il-qafas tan-NU;

(u)

ikompli djalogu ulterjuri dwar il-kapaċità tas-sistema tan-NU li twettaq u tespandi l-kapaċità tagħha ta' prevenzjoni tal-konflitti u r-responsabbiltà ta' protezzjoni (R2P), filwaqt li tafferma mill-ġdid l-impenn kondiviż għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, id-dritt internazzjonali, inklużi l-integrità territorjali, l-indipendenza, u s-sovranità, kif iddikjarat ukoll fil-prinċipji tal-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE (Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa), u tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi kollha jkunu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni tal-konflitti u ta' medjazzjoni; il-Parlament jenfasizza l-importanza ta' djalogu u kooperazzjoni man-NU dwar missjonijiet ta' żamma tal-paċi effettivi u kredibbli b'objettivi ċari, b'kapaċità ċara li jagħtu riżultati, u kapaċi jiksbu riżultati tanġibbli u kredibbli; jappella għal mekkaniżmi effettivi, inklużi: (i) l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà f'konformità mal-objettiv tal-parteċipazzjoni u t-tmexxija sħiħa, ugwali u sinifikanti tan-nisa f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u l-istrutturi tan-NU ddedikati għalihom, (ii) il-perspettiva tat-tfal u ż-żgħażagħ, kif iddikjarat fl-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż f'termini ta' appoġġ u tisħiħ tal-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal f'konflitt armat, (iii) il-perspettiva tal-persuni b'diżabilità, inklużi, b'mod partikolari, dawk li jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni intersezzjonali u dawk li jinsabu f'riskju skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, kif ukoll, (iv) il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, li jinsabu fil-qalba tal-mandati għaż-żamma tal-paċi; itenni r-rwol kruċjali li għandhom in-nisa fil-medjazzjoni tal-konflitti u l-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; ifakkar fis-sottorappreżentanza tagħhom fil-livelli kollha fi ħdan il-missjonijiet tan-NU u tal-UE, u l-importanza kruċjali tal-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jgħinu biex jikkontribwixxu aktar forzi armati Ewropej għaż-żamma tal-paċi tan-NU; jissottolinja l-importanza tal-appoġġ tal-UE għal pajjiżi li ħerġin minn konflitt vjolenti; jappella, għalhekk, għal kooperazzjoni msaħħa fl-indirizzar tal-fraġilità ta' kuntesti ta' tranżizzjoni, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali u l-konsolidazzjoni ta' kisbiet fil-bini tal-paċi u t-tisħiħ tal-interazzjoni mal-komunitajiet lokali, filwaqt li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-għajnuna għalihom; jappella għar-riforma tal-istrutturi rilevanti sabiex tintemm l-impunità tal-persunal tan-NU li jservi f'operazzjonijiet militari u missjonijiet ċivili u biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza trasparenti u responsabbiltà sodi li jiffunzjonaw f'każijiet fejn iseħħu abbużi b'mod partikolari atti ta' vjolenza sesswali; ifaħħar il-ħidma u l-kontribut għall-ġlieda kontra l-impunità tas-Sinjura Agnes Callamard, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, fit-twettiq ta' investigazzjonijiet f'każijiet suspettati ta' qtil extraġudizzjarju filwaqt li kienet soġġetta għal intimidazzjonijiet u theddid;

(v)

ikompli djalogu konsistenti ulterjuri fil-fora tan-NU, b'mod partikolari l-AĠNU, dwar il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI, f'konformità mal-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI f'fora multilaterali (5), il-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt (6), u fir-rigward tal-Prinċipji ta' Yogyakarta rikonoxxuti internazzjonalment (7); iħeġġeġ lill-korpi u lill-Membri tan-NU jinkludu “l-identità u l-espressjoni tal-ġeneru” u “karatteristiċi tas-sess” fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom ta' kunsiderazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk jinkludu persuni transġeneri u intersesswali, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem li huma vittmi tiegħu; juża l-għodod diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jippromwovi fil-livell globali d-dekriminalizzazzjoni ta' atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt bħala sanzjoni għal atti kunsenswali bejn persuni tal-istess sess, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni li tippermetti r-rikonoxximent legali tal-ġeneru u l-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali intersesswali u l-hekk imsejħa prattiki ta' “terapija ta' konverżjoni” madwar id-dinja;

(w)

jippromwovi l-koerenza tar-relazzjonijiet tan-NU lejn sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni tat-territorju; ifakkar li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiggwida l-impenn internazzjonali fis-sitwazzjonijiet kollha bħal dawn, inkluż f'każijiet ta' okkupazzjoni mtawla u l-konflitti ffriżati multipli fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; il-Parlament jappoġġa l-attenzjoni dejjem akbar mogħtija min-NU lill-attivitajiet kummerċjali relatati ma' sitwazzjonijiet ta' tħassib internazzjonali u jistieden lill-Kunsill jimmonitorja mill-qrib il-kumpaniji bbażati fl-UE li huma elenkati f'tali rapporti jew bażijiet tad-data tan-NU;

(x)

jiżviluppa aktar il-kapaċitajiet diplomatiċi u ta' medjazzjoni tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, inkluż għal konflitti ffriżati jew ġodda, jew tal-anqas it-tnaqqis tagħhom, f'sinerġija mal-isforzi tan-NU, bil-proċess ta' Berlin dwar il-Libja bħala eżempju tajjeb tal-appoġġ tal-UE għall-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija min-NU u s-sinerġija magħhom, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikanti tan-nisa fl-isforzi ta' medjazzjoni, kif ukoll jitkompla l-appoġġ sod tal-UE għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tas-sħab tagħha affettwati mill-konflitti, bħall-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna; jistieden lin-NU tipprijoritizza l-prevenzjoni, il-medjazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni u s-soluzzjonijiet politiċi għall-konflitti filwaqt li tindirizza l-kawżi ewlenin u l-ixprunaturi abbażi tal-kriżijiet; jinsisti għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-konflitti attwali, u jkompli jappoġġa l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU li għandhom l-għan li jsolvu dawn il-konflitti; il-Parlament ifaħħar ir-rekord tajjeb ta' kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fil-kisba ta' għanijiet ta' żvilupp komuni u l-prevenzjoni ta' eskalazzjoni ulterjuri tal-konflitti li għaddejjin bħalissa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tkompli tħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea;

(y)

iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet kollha ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti u mal-impenn li jikkooperaw b'rieda tajba mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(z)

jibqa' impenjat bħala protagonist ewlieni fil-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta' implimentazzjoni effettiva u s-segwitu tal-objettivi tal-Aġenda 2030 fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE u fl-istrateġiji u l-prijoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri; il-Parlament jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tiġi appoġġata u rikonoxxuta b'mod adegwat il-ħidma importanti u indispensabbli tal-aġenziji umanitarji bħall-Programm Dinji tal-Ikel; jilqa' d-deċiżjoni li l-Premju Nobel 2020 jingħata lill-Programm Dinji tal-Ikel għall-isforzi tiegħu biex jiġġieled il-ġuħ, għall-kontribut tiegħu għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-paċi f'żoni milquta minn konflitti u talli aġixxa bħala forza mexxejja fl-isforzi biex jiġi evitat l-użu tal-ġuħ bħala arma tal-gwerra u l-konflitt;

(aa)

itenni t-tħassib tiegħu dwar l-impatti negattivi fuq l-ambjent tal-baħar mill-bastimenti, inkluż it-tniġġis, b'mod partikolari permezz tar-rilaxx illegali ta' żejt u sustanzi oħra ta' ħsara u r-rimi ta' skart perikoluż, inklużi materjali radjuattivi, skart nukleari u sustanzi kimiċi perikolużi, kif ukoll l-impatti fiżiċi fuq il-qroll; il-Parlament jistieden lill-Istati Membri tan-NU ikomplu jagħtu prijorità lill-azzjoni dwar it-tniġġis tal-baħar minn sorsi bbażati fuq l-art bħala parti mill-istrateġiji u l-programmi nazzjonali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, u biex javvanzaw l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar minn Attivitajiet ibbażati fuq l-Art u d-Dikjarazzjoni ta' Montreal dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar minn Attivitajiet ibbażati fuq l-Art; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jtejbu l-fehim xjentifiku u l-valutazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta bħala bażi fundamentali għal teħid ta' deċiżjonijiet sod permezz tal-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jiżviluppaw programmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u għall-waqfien tat-telf tal-bijodiversità tal-baħar, b'mod partikolari l-ekosistemi fraġli;

(ab)

jappoġġa l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal vaċċin għall-COVID-19 affordabbli u aċċessibbli, u biex jitqies bħala ġid pubbliku globali; jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet inklużi fil-Konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fit-tisħiħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità għat-tħejjija u r-rispons f'emerġenzi tas-saħħa; jilqa' l-ħidma tad-WHO fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-gvern fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19; il-Parlament jappella għal investigazzjoni imparzjali, trasparenti u indipendenti dwar it-tixrid tal-virus u t-trattament tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż mid-WHO; jappoġġa riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sabiex fil-futur tkun tista' tirreaġixxi b'mod aktar effiċjenti għall-emerġenzi u toħloq konsorzju internazzjonali kontra l-virus li jiggarantixxi l-aċċess għal vaċċin kontra l-COVID-19 u d-distribuzzjoni ġusta tiegħu, kif ukoll il-vaċċini futuri, għall-pajjiżi kollha; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni tat-Tajwan fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa; jikkundanna l-abbuż minn ħafna reġimi awtoritarji tal-miżuri introdotti għall-ġlieda kontra l-COVID-19 sabiex jikkonsolidaw il-poter, ikomplu jdgħajfu d-drittijiet tal-bniedem, irażżnu l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, jinċitaw kampanji ta' mibegħda kontra gruppi ta' minoranza, jintroduċu aktar miżuri biex irażżnu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tagħhom u jfittxu vantaġġ ġeopolitiku barra mill-pajjiż; jisħaq li d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-wegħda li jintlaħqu l-SDGs sal-2030 għandhom jibqgħu l-pedamenti tat-tweġibiet kollha għall-pandemija; jistieden lill-UE tikkontribwixxi għall-impenn politiku fil-livell tan-NU biex tintemm l-epidemija tal-AIDS sal-2030, peress li din tibqa' theddida għas-saħħa pubblika madwar id-dinja; jirrakkomanda li l-Kunsill għandu jkompli jfittex sinerġiji akbar fost l-Istati Membri tan-NU biex jitneħħew il-liġijiet, il-politiki u l-prattiki li joħolqu ostakli fl-aċċess għas-servizzi tal-HIV u jżidu r-riskju għat-teħid tal-HIV, b'attenzjoni speċjali għall-gruppi emarġinati jew vulnerabbli; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tappella għal oqfsa leġiżlattivi u regolatorji msaħħa u l-promozzjoni ta' koerenza politika għall-kisba ta' kopertura universali tas-saħħa, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki li jipprovdu aċċess akbar għas-servizzi tas-saħħa, il-prodotti u l-vaċċini, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati;

(ac)

jieħu nota tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali bit-titolu “Responsabbiltà kondiviża, solidarjetà globali: rispons għall-impatti soċjoekonomiċi tal-COVID-19”, u b'hekk jinsisti li r-reazzjonijiet tal-gvernijiet għall-pandemija tal-COVID-19 għandhom ikunu effettivi, inklużivi u f'konformità sħiħa mal-obbligi u l-impenji tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jieħdu miżuri speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal li l-vulnerabbiltà tagħhom tista' tkun partikolarment aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jappoġġa l-Fond Ċentrali ta' Għajnuna f'Emerġenza, il-Programm Dinji tal-Ikel, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u istituzzjonijiet u programmi oħra tan-NU, li għandhom rwol ewlieni fir-rispons umanitarju għall-kriżi tal-COVID-19; jappoġġa s-sejħiet għal Summit tan-NU dwar ir-Rikostruzzjoni Ekonomika Internazzjonali u r-Riformi Sistemiċi wara l-COVID-19 fl-2021 bħala forum importanti għal spazju ta' governanza aktar inklużiv u bbażat fuq id-drittijiet;

(ad)

isaħħaħ il-viżibbiltà tal-azzjoni u l-assistenza tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post, b'mod partikolari tal-programm “Tim Ewropa” li ġabar ammont ta' EUR 36 biljun biex jindirizza l-effetti devastanti tal-kriżi tal-COVID-19 f'pajjiżi u reġjuni sħab, b'mod partikolari fl-Afrika;

(ae)

ikollu rwol ta' tmexxija attiv, b'saħħtu u ambizzjuż fit-tħejjijiet għas-26 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26), inkluż fuq perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari billi jippromwovi rikonoxximent globali tad-dritt għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, u billi jappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent; il-Parlament jinnota li t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma fost l-isfidi ewlenin attwali; jappoġġa l-Inizjattiva tan-NU dwar id-Drittijiet Ambjentali, li tirrikonoxxi li l-ksur tad-drittijiet ambjentali għandu impatt profond fuq varjetà wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; jisħaq li l-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem huma interkonnessi u interdipendenti; ifakkar fl-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati li jipproteġu l-bijodiversità inkluż billi jipprovdu aċċess għal rimedji effettivi f'każijiet ta' telf u degradazzjoni tal-bijodiversità; il-Parlament iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu r-rikonoxximent tal-ekoċidju bħala reat internazzjonali skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; huwa tal-fehma li l-UE għandha timplimenta miżuri speċifiċi biex tqiegħed ir-reżiljenza fil-qalba tal-isforzi ta' rkupru u biex tintegra t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-politiki kollha tal-UE f'kooperazzjoni man-NU, f'konformità mal-miri stabbiliti fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti ħajja ġdida lis-sħubija mal-Amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti li tappoġġa l-ħolqien ta' “koalizzjoni globali b'newtralità karbonika” mal-pajjiżi li diġà impenjaw ruħhom għall-għan li jiksbu emissjonijiet żero sal-2050, f'kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra fl-iżvilupp ta' pjanijiet u teknoloġiji ta' tneħħija tal-emissjonijiet tal-karbonju, u jippromwovu strateġija internazzjonali ġdida għall-protezzjoni tal-bijodiversità;

(af)

jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ugwali tal-liġi u l-ugwaljanza quddiem il-qrati, l-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u effettiva fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali għall-popli indiġeni, inklużi n-nisa u l-bniet; jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, l-EMRIP u l-UNPFII; jinkoraġġixxi lill-Istati u l-entitajiet tas-sistema tan-NU jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jindirizzaw l-iżvantaġġi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-popli indiġeni, u biex iżidu l-kooperazzjoni teknika u l-assistenza finanzjarja f'dan ir-rigward;

(ag)

ikompli jsegwi u jespandi l-kooperazzjoni tal-kapaċità fi ħdan is-sistema tan-NU dwar il-promozzjoni ta' standards komuni effettivi u etiċi f'oqsma ta' politika ġodda bħad-diżaggregazzjoni u l-protezzjoni tad-data, id-diliġenza dovuta, il-ġlieda kontra l-impunità, l-intelliġenza artifiċjali jew iċ-ċiberspazju, filwaqt li jippromwovi appoġġ adegwat lil dawk il-pajjiżi li jixtiequ jespandu l-kapaċità regolatorja tagħhom u l-implimentazzjoni tal-istandards; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża fir-rigward tar-regoli, in-normi, il-fehimiet komuni u l-miżuri ta' infurzar fl-ispazju ċibernetiku; jissuġġerixxi li l-pedamenti taċ-ċibersigurtà Ewropea, bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tal-Informazzjoni (NIS) jistgħu jirrappreżentaw bażi eċċellenti li l-pajjiżi li juru r-rieda jistgħu jużaw biex jibnu fuq l-oqfsa regolatorji tagħhom għall-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà permezz ta' approċċ ta' “sigurtà sa mit-tfassil”; jindika li l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fil-livell tal-UE jistgħu jiġu kondiviżi fi ħdan il-qafas tan-NU mal-aġenziji tan-NU ddedikati għal dawn il-kompiti, kif ukoll bi tweġiba għat-talbiet ta' pajjiżi individwali;

(ah)

jindirizza l-isfidi tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-prattiki tajba dwar ir-ritorn u l-irkupru tal-assi, inkluż permezz ta' miżuri aktar effettivi għall-implimentazzjoni tal-obbligi eżistenti skont il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħhom; jimplimenta miżuri effettivi, inklużivi u sostenibbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-qafas tal-Aġenda 2030; jieħu u jappoġġa inizjattivi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni;

(ai)

jikkunsidra miżuri addizzjonali ta' serħan mid-dejn għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b'dejn għoli biex jiġu evitati inadempjenzi u jinħoloq spazju għall-investimenti tal-SDG, u f'dan is-sens, biex tiġi appoġġata s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU favur l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' ristrutturar tad-dejn sovran bħala parti mir-rispons iktar fit-tul għall-kriżi tal-COVID-19 u l-impatti ekonomiċi tagħha;

(aj)

jindirizza l-migrazzjoni u l-ispostament furzat, inklużi l-kawżi fundamentali tagħhom, u jikkoopera fl-implimentazzjoni kemm tal-Patt Globali għall-Migrazzjoni kif ukoll tal-Patt Globali dwar ir-Refuġjati; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jibqgħu fil-qalba tal-Patt Globali b'attenzjoni speċifika għall-migranti f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà, bħat-tfal, il-minorenni u n-nisa; ikompli jibni l-impenn komuni lejn il-preservazzjoni tal-ispazju umanitarju u t-titjib tas-sistema ta' rispons umanitarju u jisħaq fuq l-importanza li jiġi rrispettat id-dritt għall-ażil madwar id-dinja; jappoġġa u jsaħħaħ il-ħidma tal-korpi rilevanti tan-NU bħall-UNHCR u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU (UNRWA); jafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni tal-UNRWA fl-għoti ta' assistenza umanitarja u ta' żvilupp lir-refuġjati Palestinjani; jappella lill-Istati Membri tan-NU għaż-żamma u ż-żieda tal-kontribuzzjonijiet lill-UNRWA, u jappoġġa l-proposta mill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA għal konferenza li twassal għal fluss ta' finanzjament u sistema ta' nfiq aktar prevedibbli, sostenibbli u responsabbli għall-UNRWA għall-futur u impenn għal dan il-għan minn għadd akbar ta' Stati Membri tan-NU u donaturi internazzjonali;

(ak)

ikompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; iħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostażija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; jappoġġa l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

(al)

ikompli jsaħħaħ l-appoġġ integrat għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jkomplu jappoġġaw u jimplimentaw ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li jqisu l-impatt sproporzjonat tal-konflitti fuq in-nisa u l-bniet u jiggwidaw il-ħidma u l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni, il-protezzjoni u d-drittijiet tan-nisa fiċ-ċiklu kollu tal-konflitt, mill-prevenzjoni tal-konflitti sar-rikostruzzjoni ta' wara l-konflitt; f'dan ir-rigward jagħti attenzjoni speċjali lill-eradikazzjoni tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, il-prattiki dannużi u l-vjolenza domestika u tal-familja, u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva sinifikanti u ugwali tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa; jappoġġa u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex tiġi żgurata analiżi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; il-Parlament ifakkar li l-vjolenza sesswali bħall-istupru tintuża bħala tattika tal-gwerra u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra, u jitlob li tiżdied il-protezzjoni tan-nisa u l-bniet f'sitwazzjonijiet ta' konflitt, speċjalment fir-rigward tal-vjolenza sesswali; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiġbor appoġġ usa', inkluż permezz ta' finanzjament adegwat, għall-ħidma tal-UN Women, li għandha rwol importanti fis-Sistema tan-NU għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u t-tlaqqigħ tal-partijiet interessati rilevanti kollha sabiex tiġi ġġenerata bidla fil-politika u jiġu kkoordinati l-azzjonijiet ta' politika;

(am)

jadotta rwol ambizzjuż u kostruttiv fi ħdan il-mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni sabiex jissaħħu aktar l-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inklużi l-perspettivi tan-nisa, it-tfal u l-migranti, li jinsabu f'riskju akbar ta' sfruttament;

(an)

jikkonsulta mill-qrib lill-Parlament dwar il-proċess ta' implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, u jinvolvi lill-Parlament f'dawk l-oqsma kollha ta' politika fejn id-diplomazija parlamentari tista' toħloq sinerġiji siewja u ssaħħaħ il-kapaċità ta' sensibilizzazzjoni u l-impatt pożittiv u t-tmexxija tal-UE kollha kemm hi;

(ao)

jappella għal azzjonijiet immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi li qed tikber tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, tal-inqas biex tiġi investigata l-persekuzzjoni etnika u reliġjuża rrappurtata fir-reġjun kollu; f'dan ir-rigward, il-Parlament jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li jista' jinkludi Rapporteur Speċjali tan-NU, Bord ta' Esperti tal-HRC jew Mibgħut Speċjali; jappoġġa s-sejħiet biex il-UNHRC jorganizza sessjoni speċjali dwar il-kriżi;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, u, għal informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 165.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0008.

(3)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 86.

(4)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 33.

(5)  https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/137584.pdf

(6)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8416-2013-INIT/mt/pdf

(7)  http://yogyakartaprinciples.org/wp-content/uploads/2016/08/principles_en.pdf; http://yogyakartaprinciples.org/wp-content/uploads/2017/11/A5_yogyakartaWEB-2.pdf


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta 8 ta’ Ġunju 2021

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/163


P9_TA(2021)0263

Emendi konsegwenzjali tal-ETIAS: kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 u r-Regolament (UE) 2019/816 (COM(2019)0003 – C8-0025/2019 – 2019/0001A(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 67/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0003),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-11 ta’ Frar 2021 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u jfassal żewġ rapporti leġiżlattivi separati abbażi ta’ dan,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0025/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0254/2020),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P9_TC1-COD(2019)0001A

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/1150.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/164


P9_TA(2021)0264

Emendi konsegwenzjali tal-ETIAS: fruntieri u viżi ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn għall-finijiet tal-ETIAS u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1240, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, ir-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2018/1861 (COM(2019)0004 – C8-0024/2019 – 2019/0002(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 67/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0004),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(a), (b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0024/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0255/2020),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P9_TC1-COD(2019)0002

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/1152.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/165


P9_TA(2021)0265

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss – Ġermanja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss (COM(2021)0207 – C9-0156/2021 – 2021/0107(BUD))

(2022/C 67/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0207 – C9-0156/2021),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament tal-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), (FII tas-16 ta' Diċembru 2020), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0189/2021),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna ssir permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B.

billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/003 DE/GMH Guss għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 585 sensja (4) f'erba' sussidjarji tal-kumpanija Guss GmbH, ikklassifikata taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' metalli bażiċi) fil-livell NUTS 2 ta' Düsseldorf (DEA1) (5) u Arnsberg (DEA5) (6), f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-31 ta' Lulju 2020 sat-30 ta' Novembru 2020;

C.

billi l-applikazzjoni tikkonċerna 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn erba' sussidjarji ta' GMH Guss GmbH fil-Ġermanja;

D.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkun ingħata s-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

E.

billi l-industrija tal-fonderiji fil-Ġermanja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar bħal bidliet fil-kummerċ internazzjonali ta' oġġetti u servizzi u produzzjoni eċċessiva fiċ-Ċina, b'mod partikolari fl-industrija awtomobilistika u tal-magni, kif ukoll ir-rilokazzjoni ta' attivitajiet lejn pajjiżi terzi, inkluż lejn pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE, fejn japplikaw (7) standards ambjentali aktar baxxi u fejn l-industriji huma ssussidjati ħafna;

F.

billi l-problemi ta' GMH Guss bdew meta l-klijent prinċipali tal-kumpanija sussidjarja Walter Hundhausen GmbH, li jirrappreżenta 60 % tal-produzzjoni tal-kumpanija sussidjarja, ħa d-deċiżjoni li jiddelokalizza parti mill-katina tal-provvista fit-Turkija;

G.

billi l-kompetitur Tajwaniż MEITA fetaħ żewġ fonderiji f'Obrenovac, is-Serbja, li prinċipalment jipproduċu għall-industrija awtomobilistika Ewropea, u li, minħabba sussidji u spejjeż tax-xogħol aktar baxxi, MEITA setgħet toffri prezzijiet ħafna aktar baxxi mill-kompetitur Ġermaniż tagħha GMH Guss;

H.

billi, bejn l-2018 u l-2019, il-produzzjoni globali tal-ikkastjar tal-metall fil-Ġermanja naqset bi 8,9 % (8) minħabba dawn l-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni, u affettwat b'mod partikolari lin-Nordrhein-Westfalen fejn jinħadmu 25 % tal-metalli kkastjati fil-Ġermanja;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 081 706 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 802 845, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 1 730 731 u n-nefqa għal attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 72 114;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fil-15 ta' Diċembru 2020, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u l-Parlament ġie nnotifikat fl-istess ġurnata;

3.

Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;

4.

Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 585 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur industrijali Ġermaniż; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Ġermanja tistenna li 476 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha, li minnhom 455 huma rġiel u 21 huma nisa, il-biċċa l-kbira minnhom f'età bejn 30 u 54 sena, se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

5.

Jissottolinja li dawk is-sensji huma mistennija jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, peress li seħħew f'kuntest ta' livell għoli ta' qgħad (10,7 % f'Settembru 2020) fiż-żona tar-Ruhr minħabba sfidi strutturali sa mis-snin 60 u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19;

6.

Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja qegħdin fit-tieni nofs tal-karriera professjonali tagħhom, għandhom livell baxx ta' kwalifiki formali, u f'ħafna każijiet għandhom għarfien dgħajjef tal-lingwa Ġermaniża; jissottolinja wkoll li, kif spjegat fl-applikazzjoni, għadd kbir ta' benefiċjarji huma rġiel li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni u li s-suċċess fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jista' jkun aġevolat minn membri oħra tal-familji tagħhom, li spiss ikollhom għarfien ħafna aħjar tal-Ġermaniż mill-ex impjegati;

7.

Jissottolinja u jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni ta' gruppi ta' pari li jqisu s-sitwazzjonijiet personali tal-ex ħaddiema affettwati; jenfasizza l-ħtieġa li l-ex impjegati, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;

8.

Iqis li hija responsabbiltà soċjali tal-Unjoni li tipprovdi lil dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, il-kwalifiki meħtieġa għat-trasformazzjoni ekoloġika u ġusta tal-industrija tal-Unjoni f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, peress li dawn kienu jaħdmu f'settur b'intensità għolja ta' karbonju; jilqa' pożittivament, għalhekk, is-servizzi personalizzati fornuti minn dan il-FEG lill-ħaddiema, li jinkludu miżuri ta' titjib tal-ħiliet u korsijiet tal-Ġermaniż, workshops, orjentazzjoni vokazzjonali, konsulenza dwar l-impjiegi, kif ukoll allowances tat-taħriġ u servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, biex iż-żona, u s-suq tax-xogħol ġenerali, isiru aktar sostenibbli u reżiljenti fil-futur;

9.

Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Awwissu 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2022;

10.

Jinnota li l-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Novembru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Novembru 2020 sal-15 ta' Ġunju 2023;

11.

Jilqa' favorevolment il-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Ġermanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, u li twaqqaf kumitat ta' monitoraġġ li jinkludi rappreżentanti tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi, il-kumpanija ta' trasferiment, rappreżentanti tas-sħab soċjali, rappreżentanti tat-trade union IG Metall, il-likwidaturi tal-intrapriża li tat is-sensji u s-sussidjarji tagħha, kif ukoll rappreżentanti tal-kunsilli tax-xogħlijiet, biex imexxi l-intervent kofinanzjat mill-FEG; jissottolinja li s-sħab soċjali tal-intrapriżi kkonċernati diġà kkooperaw fix-xhur u s-snin qabel il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex itejbu l-kundizzjonijiet u s-sitwazzjoni diffiċli mill-aspett ekonomiku, li kienu jinkludu wkoll konċessjonijiet salarjali sinifikanti min-naħa tal-ħaddiema;

12.

Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli qed jikkomplementaw mingħajr ma jissostitwixxu l-miżuri offruti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) permezz tal-Programm Operattiv tal-FSE għan-Nordrhein-Westfalen;

13.

Itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li huma responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bis-saħħa ta' ftehimiet kollettivi;

14.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.

(5)  Is-sussidjarji Friedrich Wilhelms-Hütte Eisenguss GmbH u Friedrich Wilhems-Hütte GmbH, li t-tnejn jinsabu f'Mülheim an der Ruhr.

(6)  Is-sussidjarja Dieckerhoff Guss GmbH f'Gevelsberg, u s-sussidjarja Walter Hundhausen GmbH (kif ukoll is-sede prinċipali ta' GMH Guss GmbH) fi Schwerte.

(7)  Riċerka ta' Deutsche Bank (2020): Automobilindustrie – Produktion in China überflügelt heimische Fertigung; Eurofound (2016): ERM report 2016: Globalisation slowdown? Recent evidence of offshoring and reshoring in Europe; Eurofound (2020): ERM report 2020: Restructuring across borders. Imkejjel f'tunnellaġġ gross ikkumpensat (cgt – compensated gross tonnage).

(8)  Stephen, Sophie (2020): Deutsche Gussproduktion 2019 und Ausblick 2020, in: GIESSEREI, 04/2020.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2020/003 DE/GMH Guss

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1021.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/169


P9_TA(2021)0266

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport – Belġju

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport (COM(2021)0212 – C9-0159/2021 – 2021/0109(BUD))

(2022/C 67/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0212 – C9-0159/2021),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament tal-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), (il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0188/2021),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom ikunu ħadmu;

B.

billi l-Belġju ressaq l-applikazzjoni EGF/2020/005 BE/Swissport għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 468 sensja (4) fil-kumpanija Swissport Belgium, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mid-9 ta' Ġunju 2020 sad-9 ta' Ottubru 2020;

C.

billi fis-27 ta' April 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 1 468 benefiċjarju fil-mira;

D.

billi l-applikazzjoni hija relatata ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium;

E.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

F.

billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika globali li ġiet warajha kkawżaw xokk enormi għall-industrija tal-ivvjaġġar fil-Belġju, speċjalment għall-operaturi tal-ajru u l-intrapriżi li joperaw fl-Ajruport ta' Brussell, fejn fl-ewwel ġimgħa tal-lockdown (16-22 ta' Marzu 2020), l-għadd ta' titjiriet naqas bi 58 % meta mqabbel ma' Jannar 2020, u l-movimenti tal-ajruplani tal-passiġġieri fl-ajruport waqfu kważi kompletament matul il-ġimgħat ta' wara;

G.

billi fl-2020, it-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri naqas b'mod kumplessiv b'60 % meta mqabbel mal-2019 (minn 4,5 biljun passiġġier għal 1,8 biljun) u 50 % ta' inġenji tal-ajru globali tqiegħdu għall-ħżin; billi Swissport Belgium, wieħed miż-żewġ ground handlers tal-Ajruport ta' Brussell, kien responsabbli għal 60 % tas-servizzi fuq l-art u ta' tindif fl-ajruport;

H.

billi fid-9 ta' Ġunju 2020, wara ġimgħat sħaħ fejn is-servizzi fuq l-art kienu kważi ineżistenti fl-Ajruport ta' Brussell, Swissport Belgium ġiet iddikjarata falluta minħabba nuqqas ta' likwidità, li rriżulta fis-sensji kkonċernati;

I.

billi Swissport Belgium kienet qed timplimenta b'suċċess pjan ta' rkupru qabel ma faqqgħet il-pandemija, kienet qed tipprevedi tnaqqis ta' 37 % fit-telf għall-2020 meta mqabbel mal-2019, u ġiet iddikjarata falluta fid-9 ta' Ġunju 2020 mill-Qorti ta' Brussell;

J.

billi minħabba l-inċertezza kbira dwar l-irkupru fuq terminu qasir tas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, l-ebda intrapriża ma wriet interess li tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' handling ta' Swissport Belgium;

K.

billi hemm riskju reali li jista' jkun hemm aktar fallimenti fost il-fornituri tal-ground handling matul l-2021;

L.

billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 – Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (5), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

M.

billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (6);

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a), tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 719 224 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 6 198 708, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 5 977 108 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 221 600;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-27 ta' April 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.

Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew sodisfatti;

4.

Jinnota li l-applikazzjoni hija relatata b'kollox ma' 1 468 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Swissport Belgium li minnhom 1 086 huma rġiel u 382 huma nisa; jilqa' l-fatt li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

5.

Ifakkar li l-għeluq f'daqqa ta' ċerti setturi ewlenin fil-Belġju (il-forniment tal-ikel, it-turiżmu, il-kultura, eċċ.) wassal biex il-qgħad fi Brussell laħaq il-15 % fit-tielet trimestru tal-2020 (7), u li proporzjon kbir tal-forza tax-xogħol preċedenti ta' Swissport Belgium huwa magħmul minn gruppi żvantaġġjati, peress li dawn fil-biċċa l-kbira huma ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u b'ħiliet medji u madwar terz (32,5 %) għandhom aktar minn 50 sena;

6.

Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'din il-mobilizzazzjoni tal-FEG;

7.

Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fid-9 ta' Ġunju 2020, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mid-9 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Diċembru 2022;

8.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: informazzjoni, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u gwida vokazzjonali, taħriġ, appoġġ u kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' negozju, kif ukoll inċentivi u allowances, u jilqa' l-fatt li l-ħaddiema tal-ġeneru li huwa sottorappreżentat jagħżlu taħriġ vokazzjonali għal impjiegi li l-ġeneri tagħhom huma żbilanċjati (8) b'mod sinifikanti se jirċievu bonus addizzjonali ta' EUR 700; itenni l-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru bħala karatteristika importanti tal-baġit tal-Unjoni, u jqis li din għandha tiġi promossa fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

9.

Jinnota li l-Belġju beda jġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fl-10 ta' Ġunju 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-10 ta' Ġunju 2020 sat-22 ta' Ġunju 2023;

10.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Belġju f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u s-sħab soċjali kif ukoll ma' ċentru tal-impjiegi speċjalizzat fis-settur tal-avjazzjoni;

11.

Jisħaq li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li l-prinċipji tat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;

12.

Ifakkar li l-appoġġ finanzjarju permezz tal-FEG għandu jingħata malajr u b'mod effettiv kemm jista' jkun possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-perjodu ta' valutazzjoni tal-applikazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni jitqassar kemm jista' jkun;

13.

Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

14.

Jinnota ż-żieda reċenti fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal assistenza finanzjarja permezz tal-FEG; jesprimi tħassib dwar l-impatt persistenti tal-kriżi ekonomika globali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u s-suffiċjenza tal-FEG biex iwieġeb għall-ħtiġijiet futuri kollha;

15.

Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda, id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;

16.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0141.

(6)  COM(2020)0442.

(7)  https://statbel.fgov.be/fr/themes/emploi-formation/marche-du-travail/emploi-et-chomage

(8)  Impjiegi b'mill-inqas 75 % tal-ħaddiema li jappartjenu għall-istess ġeneru.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2020/005 BE/Swissport

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1020.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/173


P9_TA(2021)0267

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM – Netherlands

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM (COM(2021)0226 – C9-0161/2021 – 2021/0115(BUD))

(2022/C 67/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0226 – C9-0161/2021),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (“ir-Regolament tal-FEG”),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprja ġodda (3), (“il-FII tas-16 ta' Diċembru 2020”), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0187/2021),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lil ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B.

billi n-Netherlands ippreżentaw l-applikazzjoni EGF/2020/004 NL/KLM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 1 851 sensja (4) fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines fir-reġjun ta' livell NUTS 2 Noord-Holland (NL32) fin-Netherlands, fi żmien perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-15 ta' Awwissu 2020 sal-15 ta' Diċembru 2020;

C.

billi l-applikazzjoni tirrigwarda 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-KLM Royal Dutch Airlines, li minnhom 650 sensja seħħew matul il-perjodu ta' referenza u 1 201 seħħew qabel jew wara l-perjodu ta' referenza u tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza;

D.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

E.

billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-għajnuna tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F.

billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi lill-industrija tal-avjazzjoni minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li wasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru internazzjonali bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019, filwaqt li 64 % tal-inġenji tal-ajru globali nħażnu;

G.

billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019, u billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

H.

billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 – Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (5), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

I.

billi qabel ma bdiet il-pandemija, il-prestazzjoni finanzjarja tal-KLM kienet qed tiżdied b'mod stabbli bejn l-2015 u l-2019, filwaqt li l-profitt nett tagħha żdied minn EUR 54 miljun fis-sena finanzjarja 2015 għal EUR 449 miljun fis-sena finanzjarja 2019;

J.

billi fl-2020 l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn KLM naqas bi 68 % filwaqt li d-dħul ta' KLM naqas bi 53,8 % meta mqabbel mal-2019, u dan wassal biex KLM takkumula telf operattiv ta' EUR 1 154 miljun fl-2020 meta mqabbel mal-profitt ta' EUR 714-il miljun fl-2019 (6), u billi l-ġestjoni tagħha ħabbret pjan ta' ristrutturar li jnaqqas il-forza tax-xogħol b'madwar 5 000 ekwivalenti full-time (7);

K.

billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (8);

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), punt (a) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati u li n-Netherlands għandhom id-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 019 218 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 365 364, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 8 030 750 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 334 614;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet tan-Netherlands ressqu l-applikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2020 u wara li n-Netherlands taw informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.

Jiddispjaċih dwar il-proċess twil f'dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli u jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċess ta' valutazzjoni, filwaqt li tiżgura li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Unjoni fi żmien xieraq;

4.

Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 1 851 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-kumpanija KLM Royal Dutch Airlines; jieħu nota tal-fatt li n-Netherlands jipprevedu li 1 201 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (“benefiċjarji fil-mira”);

5.

Jinnota li n-Netherlands iddeċidew li ma joffrux appoġġ għall-introjtu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja permezz tal-FEG; jieħu nota tal-fatt li l-gvern Netherlandiż kien vara għotja ġenerika ta' appoġġ għall-pagi għall-kumpaniji kollha li l-fatturat tagħhom ġie affettwat b'aktar minn 20 % bil-kriżi tal-COVID-19 u li l-Grupp KLM applika għall-għotja NOW (Noodmaatregel Overbrugging voorWerkgelegenheid); jieħu nota li l-Grupp KLM applika għall-perjodu kollu kopert mill-għotja NOW u diġà rċieva pagamenti bil-quddiem ta' EUR 683 miljun u għandu jirċievi EUR 488 miljun addizzjonali;

6.

Jinnota li huwa f'idejn l-Istat Membru biex jiddeċiedi kemm mill-ħaddiema eliġibbli għandhom ikunu fil-mira għall-benefiċċju tal-appoġġ; jistieden lin-Netherlands jiggarantixxu l-inklużjoni tal-persuni l-aktar vulnerabbli li x'aktarx jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet fis-suq tax-xogħol, mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni; jisħaq fuq il-benefiċċju li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja, li għalihom din tirrappreżenta l-aħjar għażla tagħhom, jitħallew jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f’dan il-proġett tal-FEG;

7.

Jissottolinja li l-impatt soċjali tas-sensji huwa mistenni li jkun konsiderevoli peress li KLM hija t-tieni l-akbar impjegatur privat tan-Netherlands b'aktar minn 33 000 impjegat (9) fl-2019; ifakkar li dawn is-sensji saru f'kuntest ta' rati tal-qgħad li qed jiżdiedu f'Noord-Holland, b'żieda ta' 1,5 punt perċentwali biex laħqu 4,8 % fir-raba' trimestru tal-2020 meta mqabbla mal-istess trimestru tal-2019;

8.

Jinnota li n-Netherlands bdew joffru servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Frar 2021, u għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Frar 2023;

9.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin: orjentazzjoni professjonali, appoġġ biex jinstab xogħol f'setturi ddedikati, taħriġ, coaching u/jew edukazzjoni u pariri finanzjarji; jilqa' l-enfasi tal-awtoritajiet fuq it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema biex jiffaċilitaw ir-riorjentazzjoni tagħhom lejn setturi b'nuqqas ta' ħaddiema, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-loġistika, it-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-informazzjoni;

10.

Jinnota li n-Netherlands bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva biex jimplimentaw il-FEG fl-1 ta' Frar 2021 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta' Frar 2021 sal-1 ta' Awwissu 2023;

11.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal min-Netherlands f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u s-sħab soċjali, inklużi tmien trade unions, u, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsilli tax-Xogħol rilevanti, u li ġie stabbilit grupp ta' appoġġ biex jiżgura li dawn is-servizzi jiġu kkoordinati;

12.

Jisħaq li l-awtoritajiet tan-Netherlands ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli mhux se jirċievu għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni (10);

13.

Jappella għal tnaqqis kontinwu tal-piż amministrattiv matul il-proċess;

14.

Jitlob li jsiru aktar sforzi ta' komunikazzjoni fir-rigward tal-miżuri appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni permezz tal-FEG; jissottolinja l-importanza li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tal-Unjoni u l-appoġġ għal setturi u ħaddiema vulnerabbli, speċjalment wara l-konsegwenzi tal-COVID-19;

15.

Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

16.

Jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

17.

Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li fl-2021-2027 il-FEG se jkompli juri solidarjetà filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda d-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikaturi jkunu eliġibbli għall-appoġġ.

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0141.

(6)  https://www.airfranceklm.com/sites/default/files/q4_2020_press_release_en_final.pdf

(7)  KLM newsroom: https://news.klm.com/klm-adapts-organisation-further-due-to-covid-19-crisis/

(8)  COM(2020)0442.

(9)  Ir-rapport annwali ta' KLM għall-2019: https://www.klm.com/travel/nl_nl/images/KLM-Jaarverslag-2019_tcm541-1063986.pdf

(10)  Fit-13 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, miżura ta' għajnuna mill-Istat Netherlandiż ta' EUR 3,4 biljun li tikkonsisti f'garanzija mill-Istat fuq self u self subordinat mill-Istat lil KLM biex tipprovdi likwidità urġenti lill-kumpanija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1333


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni min-Netherlands – EGF/2020/004 NL/KLM

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1022.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/177


P9_TA(2021)0268

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair – Finlandja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair (COM(2021)0227 – C9-0162/2021 – 2021/0116(BUD))

(2022/C 67/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0227 – C9-0162/2021),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (“ir-Regolament tal-FEG”),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), (il-“FII tas-16 ta' Diċembru 2020”), u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0186/2021),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex tgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija fornuta permezz ta' appoġġ finanzjarju li jingħata lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li għalihom dawn ikunu ħadmu;

B.

billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2020/007 FI/Finnair għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), wara 508 sensji (4) fil-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed (5) fir-reġjun ta' livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja, f'perjodu ta' referenza għall-applikazzjoni mill-25 ta' Awwissu 2020 sal-25 ta' Diċembru 2020;

C.

billi fis-6 ta' Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG sabiex tappoġġja r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 500 benefiċjarju fil-mira, jiġifieri ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat fl-ambitu ta' NACE Reviżjoni 2, jiġifieri d-Diviżjoni 51 (Trasport bl-ajru).

D.

billi l-applikazzjoni tirrigwarda 504 ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpanija Finnair Oyj u erba' li ngħataw is-sensja minn sottokuntrattur wieħed fil-Finlandja;

E.

billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li jkunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru;

F.

billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 iġġenerat kriżi ekonomika u insistiet għal pjan ta' rkupru Next Generation EU li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-FEG fl-assistenza tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

G.

billi l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk enormi fl-industrija tal-avjazzjoni minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u dan wassal biex it-traffiku internazzjonali tal-ajru naqas bi 98,9 % f'April 2020 meta mqabbel ma' April 2019 (6), u d-dħul għal kull kilometru tal-passiġġieri għall-industrija kollha naqas b'86,5 % f'Ġunju 2020 meta mqabbel ma' Ġunju 2019 (7);

H.

billi d-domanda internazzjonali tal-passiġġieri naqset b'75,6 % fl-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2019; billi skont it-tbassir globali tal-passiġġieri mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru, l-industrija tal-avjazzjoni se tieħu bejn 3 u 4 snin biex tirkupra għal-livell tagħha ta' qabel il-kriżi;

I.

billi din hija waħda mill-ewwel mobilizzazzjonijiet tal-FEG marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, wara li l-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 – Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (8), li tiddikjara li l-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja b'mod permanenti u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

J.

billi qabel ma bdiet il-pandemija, Finnair kellha riżultati finanzjarji sodi, fejn rat in-numru ta' passiġġieri jiżdied b'10,3 % fl-2019 u d-dħul tagħha jiżdied b'9,2 % fl-2019, biex jilħaq it-EUR 3 097 miljun, meta mqabbel ma' EUR 2 836 miljun fl-2018;

K.

billi r-restrizzjonijiet stabbiliti kemm fil-Finlandja kif ukoll f'pajjiżi oħra affettwaw ħafna l-operazzjonijiet ta' Finnair, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjiriet internazzjonali u interkontinentali; billi t-traffiku tal-ajru huwa mezz importanti ta' trasport li jgħaqqad żoni remoti, bħall-Finlandja, mal-bqija tad-dinja;

L.

billi l-ajruport ta' Ħelsinki huwa ċentru ewlieni tal-ivvjaġġar bl-ajru u Finnair hija trasportatur ewlieni bejn l-Ewropa u l-Asja, u, f'Jannar 2020, il-volumi ta' passiġġieri lejn iċ-Ċina żdiedu bi 58 % meta mqabbla ma' Jannar 2019; billi fi Frar 2020, il-volumi ta' passiġġieri naqsu drastikament bi 73 % minħabba s-sitwazzjoni tal-epidemija;

M.

billi l-għadd ta' passiġġieri ttrasportati minn Finnair naqas b'76,2 % u d-dħul tagħha naqas bi 73,2 % fl-2020 meta mqabbel mal-2019, li wassal lill-kumpanija biex takkumula telf operattiv ta' EUR 464,5 miljun fl-2020 (9); billi, b'reazzjoni għal dan, Finnair kellha tnaqqas l-ispejjeż tagħha sabiex tindirizza din il-kriżi u sar iffrankar fil-proprjetà immobbli, fil-kiri tal-inġenji tal-ajru, fl-IT (id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi tal-klijenti tagħha), fl-ispejjeż tal-bejgħ u d-distribuzzjoni, kif ukoll fl-ispejjeż amministrattivi u fl-istrutturi ta' kumpens; billi dan wassal għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol ta'700 impjieg (10) u kważi l-forza tax-xogħol kollha tqiegħdet assenti bil-permess għal parti mis-sena, u din l-assenza bil-permess kompliet għaddejja fl-2021 għal sehem kbir tal-forza tax-xogħol;

N.

billi l-mira fit-tul ta' Finnair hija li sal-2045 tkun kisbet in-newtralità karbonika, bi tnaqqis ta' 50 % fl-emissjonijiet netti sal-aħħar tal-2025 meta mqabbla mal-livell tal-2019 (11), u skont il-kumpanija, Finnair kompliet tagħmel progress fl-isforzi ta' sostenibbiltà anki matul il-pandemija b'investimenti f'bijofjuwils sostenibbli;

O.

billi l-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għall-ekonomija Finlandiża huwa wieħed sinifikanti, u jirrappreżenta 3,2 % tal-PDG totali (12), u s-sensji fl-akbar linja tal-ajru tal-pajjiż, Finnair, għandhom impatt serju fuq ir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa u fuq l-ekonomija nazzjonali;

P.

billi 42 000 persuna (23 000 impjieg dirett u 19 000 impjieg indirett) kienu impjegati fis-settur tal-avjazzjoni fil-Finlandja fl-2020 u dawn is-sensji se jkollhom impatt serju fuq l-ekonomija nazzjonali; billi l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg fir-reġjun ta' Ħelsinki-Uusimaa fejn huma kkonċernati s-sensji żdied b'0,8 punti perċentwali, minn 6,4 % fl-2019 għal 7,2 % fl-2020;

Q.

billi minħabba ż-żieda fil-qgħad li rriżultat mill-kriżi, l-impjieg mill-ġdid ta' dawk li kienu ħaddiema ta' Finnair jista' joħloq sfida;

R.

billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-kriżi tas-saħħa rriżultat fi kriżi ekonomika, stabbiliet pjan ta' rkupru għall-ekonomija, u ssottolinjat ir-rwol tal-FEG bħala għodda ta' emerġenza (13);

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li l-Finlandja għandha l-jedd għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 752 360 fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 920 600, liema spiża tinkludi n-nefqa għas-servizzi personalizzati ta' EUR 2 730 600 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar ta' EUR 190 000;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-30 ta' Diċembru 2020, u li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fis-6 ta' Mejju 2021 u nnotifikat lill-Parlament biha fl-istess jum; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni damet daqshekk żmien fiċ-ċirkostanzi kurrenti;

3.

Jinnota li r-rekwiżiti proċedurali kollha ġew issodisfati;

4.

Jinnota li l-applikazzjoni b'kollox hija relatata ma' 508 ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-kumpanija Finnair Oyj u minn sottokuntrattur wieħed; jinnota barra minn hekk li l-Finlandja tistenna li 500 biss mill-benefiċjarji eliġibbli kollha se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira);

5.

Ifakkar li l-impatti soċjali tas-sensji mistennija jkunu konsiderevoli għall-ħaddiema fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa, fejn Finnair għandha ċ-ċentru operazzjonali tagħha, u fejn l-għadd ta' persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg żdied bi 22,5 % bejn Frar u April 2020, u b'0,8 punti perċentwali bejn l-2019 u l-2020 (14), biex wassal għal prospetti diffiċli f'dak li hu l-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema mogħtija s-sensja; jinnota pożittivament għalhekk li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn gwida u appoġġ personalizzati għat-tfittxija ta' impjieg, flimkien ma' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid imfassla apposta biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta' impjieg mill-ġdid;

6.

Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjegati kollha, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, jiġu integrati u appoġġjati mill-miżuri inklużi f'dan il-proġett tal-FEG;

7.

Jindika li 44 % tal-persuni eliġibbli huma nisa u li minnhom l-aktar grupp ta' età affettwat huwa dak ta' bejn it-30 u l-54 sena; jinnota li t-tieni l-akbar grupp ta' età huwa dak ta' 55-64 sena (28,20 %), li jista' jħabbat wiċċu ma' sfidi addizzjonali fir-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

8.

Jinnota li l-Finlandja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eliġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Diċembru 2022;

9.

Ifakkar li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin: coaching u miżuri oħra ta' tħejjija, servizzi ta' impjieg u negozju, taħriġ, sussidji għall-pagi, għotja biex jinbeda negozju u benefiċċji għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u t-tneħħija; jilqa' l-għoti ta' taħriġ għal kwalifiki vokazzjonali lill-benefiċjarji, inklużi korsijiet bħal fl-intelliġenza artifiċjali (IA), is-sigurtà diġitali u r-robotika; jilqa' wkoll l-użu tas-sussidju għall-pagi mill-Finlandja biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-benefiċjarji kif ukoll l-għotjiet biex jinbeda negozju biex jiġi promoss il-ħolqien ta' attività ta' negozju iżda jfakkar li dan l-appoġġ għandu jkun soġġett għall-parteċipazzjoni attiva ta' dawn il-benefiċjarji f'attivitajiet ta' tfittxija ta' xogħol jew ta' taħriġ;

10.

Jinnota li l-Finlandja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fil-21 ta' Ottubru 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, ta' informazzjoni u pubbliċità, ta' kontroll u ta' rapportar se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-21 ta' Ottubru 2020 sat-30 ta' Ġunju 2023;

11.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal mill-Finlandja f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma; jenfasizza li l-attivitajiet ta' tħejjija inkludew laqgħat mar-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u l-Uffiċċji għall-Impjieg u l-Iżvilupp Ekonomiku ta' Uusimaa, Finnair u Trade Unions, jiġifieri Ilmailualan Unioni (IAU), Finnairin insinöörit ja ylemmät toimihenkilöt (FINTO), Auto ja Kuljetusalan Työntekijäliitto ry (AKT) u Trade Union Pro;

12.

Jenfasizza li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jibbenefikawx minn għajnuna minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

13.

Itenni li l-għajnuna mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

14.

Jappoġġja bil-qawwa l-fatt li l-FEG qed ikompli juri solidarjetà fil-perjodu 2021-2027 filwaqt li jċaqlaq l-attenzjoni mill-kawża tar-ristrutturar għall-impatt tiegħu; jilqa' l-fatt li skont ir-regoli l-ġodda id-dekarbonizzazzjoni se tkun ukoll raġuni biex l-applikanti jkunu eliġibbli għall-appoġġ;

15.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(4)  Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.

(5)  Hub Logistics Finland Oy li jinsab fir-reġjun ta' Helsinki-Uusimaa.

(6)  ATAG. 2020 Aviation Benefits Beyond Borders Report (Rapport tal-2020 dwar il-Benefiċċji tal-Avjazzjoni Lil Hinn mill-Fruntieri): https://aviationbenefits.org/media/167517/aw-oct-final-atag_abbb-2020-publication-digital.pdf

(7)  IATA: Air Passenger Market Analysis (IATA, Analiżi tas-Suq tal-Passiġġieri tal-Ajru), Ġunju 2020: https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/air-passenger-monthly-analysis---june-20202/

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0141.

(9)  https://company.finnair.com/en/media/all-releases/news?id=3801600

(10)  News | Finnair

(11)  News | Finnair

(12)  Air Transport Action Group (ATAG), Aviation Benefits Beyond Borders (Il-Benefiċċji tal-Avjazzjoni Lil Hinn mill-Fruntieri): https://aviationbenefits.org/downloads/aviation-benefits-beyond-borders-2020/

(13)  COM(2020)0442.

(14)  Il-bażi tad-data statistika tal-Finlandja https://pxnet2.stat.fi/PXWeb/pxweb/en/StatFin/


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2020/007 FI/Finnair

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2021/1023.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/182


P9_TA(2021)0269

Emendi konsegwenzjali tal-ETIAS: ECRIS-TCN ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE oħrajn għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (COM(2019)0003 – C8-0025/2019 – 2019/0001B(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 67/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0003),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-11 ta' Frar 2021 li tawtorizza lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u jfassal żewġ rapporti leġiżlattivi separati abbażi ta’ dan,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 82(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0025/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-31 ta' Marzu 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0083/2021),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

P9_TC1-COD(2019)0001B

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-8 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta' sistemi oħra ta' informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/1151.)


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/183


P9_TA(2021)0270

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2021 li jestendi l-perjodu tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 89(1), fl-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill C(2021)3114 – 2021/2680(DEA))

(2022/C 67/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2021)3114),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2021, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 3 ta' Ġunju 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 85(2) u 82(6) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fit-8 ta' Ġunju 2021,

A.

billi l-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi li, għal perjodu tranżizzjonali sat-18 ta' Ġunju 2021, l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament ma japplikax għall-kuntratti tad-derivati OTC li huma oġġettivament miżurabbli li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (PSAs), u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta' tali arranġamenti f'każ ta' inadempjenza; billi dak il-perjodu tranżizzjonali ġie introdott biex jiġi evitat l-effett negattiv tal-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivattivi fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri, u biex jipprovdi żmien għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi vijabbli maħsuba biex l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet jittrasferixxu kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġnijiet ta' varjazzjoni;

B.

billi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li testendi dak il-perjodu tranżizzjonali darbtejn, kull darba b'sena, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li għadhom ma ġewx żviluppati tali soluzzjonijiet tekniċi vijabbli u li l-effett negattiv tal-ikklerjar ċentrali ta' kuntratti tad-derivati fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri jibqa' ma jinbidilx;

C.

billi l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), fir-rapport tagħha ta' Diċembru 2020, irrakkomandat lill-Kummissjoni li testendi l-eżenzjoni b'sena, u b'hekk tipprovdi żmien addizzjonali lill-kontropartijiet ċentrali biex jirfinaw il-mudelli ta' aċċess tagħhom sabiex dawn isiru disponibbli b'mod aktar wiesa' għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet u, fl-istess ħin, tevita sitwazzjoni fejn jiġi introdott obbligu tal-ikklerjar għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet wara d-dinamika tas-suq tal-COVID-19;

D.

billi l-Kummissjoni, filwaqt li tqis ir-rapport tal-ESMA, hija tal-opinjoni li huwa tabilħaqq meħtieġ li l-perjodu tranżizzjonali jiġi estiż b'sena biex is-soluzzjonijiet previsti jkunu jistgħu jimmaturaw u jiġu rfinati ulterjorment;

E.

billi l-Kummissjoni għalhekk adottat ir-Regolament delegat li jestendi l-perjodu tranżizzjonali sat-18 ta' Ġunju 2022;

F.

billi r-Regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex jipprovdi lill-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet tal-Unjoni ċ-ċertezza li jeħtieġu fir-rigward tal-eżenzjoni mill-ikklerjar ċentrali;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/185


P9_TA(2021)0271

L-istabbiliment tal-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta' kontroll doganali ***II

Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta' kontroll doganali bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (07234/1/2021 – C9-0196/2021 – 2018/0258(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2022/C 67/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (07234/1/2021 – C9-0196/2021),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0474),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0196/2021),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 67.

(2)  ĠU C 158, 30.4.2021, p. 133.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/186


P9_TA(2021)0272

Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 2021-2027 ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (06980/2/2021 – C9-0195/2021 – 2018/0206(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2022/C 67/30)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06980/2/2021 – C9-0195/2021),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018 (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0382),

wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0447),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0197/2021),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165.

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 84.

(3)  Testi adottati tal-4.4.2019, P8_TA(2019)0350.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti tal-FSE+ fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal

Fl-2019 kien hemm 18-il miljun tifel u tifla f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE, b'għadd kbir ħafna f'xi wħud mill-Istati Membri. It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha aggravaw l-inugwaljanzi u l-faqar u kellhom effett aktar qawwi fuqhom. Il-faqar fost it-tfal huwa preżenti b'mod konsistenti fl-Istati Membri kollha u għadu ogħla minn dak għall-adulti fl-età tax-xogħol.

Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim ibbilanċjat li jagħmel lill-FSE+ għodda deċiżiva biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar fost it-tfal. Il-ftehim jirrikonoxxi l-urġenza li jsir investiment fit-tfal fl-Istati Membri kollha.

Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal bil-għan li tindirizza l-isfida b'mod strutturali. Meta tipprogramma l-FSE+, il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq għall-FSE+ biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Barra minn hekk, hija ser tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ukoll strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE u riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw investimenti adegwati f'dan il-qasam.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti tal-FSE+ fl-impjieg taż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żgħażagħ intlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżi soċjoekonomika b'segwitu għat-tifqigħa tal-COVID-19. Minn Diċembru 2019 sa Diċembru 2020 il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied bi 3 punti perċentwali fl-UE, u b'hekk l-għadd ta' żgħażagħ mingħajr impjieg tela' għal aktar minn 3,1 miljuni. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien konsistentement u b'mod sinifikanti ogħla minn dak tal-popolazzjoni adulta, bl-aħħar ċifri juru differenza ta' aktar minn 10 punti perċentwali (17,8 % meta mqabbel ma' 6,6 % f'Diċembru 2020).

Il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi li jirrikonoxxi l-isfida fl-Istati Membri kollha. L-FSE+ huwa l-aktar strument ta' finanzjament importanti tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa li ġiet adottata reċentement kif ukoll ta' miżuri rilevanti oħra fl-ambitu tal-inizjattiva Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.

Meta tipprogramma l-FSE+, il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq għall-FSE+ biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Barra minn hekk, hija ser tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw ukoll strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE u riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw investimenti adegwati f'dan il-qasam.


L-Erbgħa 9 ta’ Ġunju 2021

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/188


P9_TA(2021)0273

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE – ċittadini tal-Unjoni ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar) (COM(2021)0130 – C9-0104/2021 – 2021/0068(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 67/31)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0130),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0104/2021),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ April 2021 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Mejju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (2);

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fid-29 ta' April 2021 (Testi adottati, P9_TA(2021)0145).


P9_TC1-COD(2021)0068

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/953.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni taqbel li vaċċini u testijiet affordabbli u aċċessibbli għall-COVID-19 għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. B’kont meħud li mhux il-popolazzjoni kollha se tkun tlaqqmet meta r-Regolamenti (UE) 2021/953 u (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jidħlu fis-seħħ, l-aċċess għal possibbiltajiet ta’ ttestjar affordabbli u disponibbli b’mod wiesa’ huwa importanti biex jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u l-mobbiltà fl-Ewropa.

Biex tappoġġa l-kapaċitajiet tal-ittestjar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà mmobilizzat fondi permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex tixtri testijiet rapidi tal-antiġeni u nediet akkwist bi sħab għal aktar minn nofs biljun test rapidu tal-antiġeni. Il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qed tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tal-ittestjar, b’finanzjament mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza.

Biex tkompli tappoġġa d-disponibbiltà ta’ testijiet affordabbli, b’mod partikolari għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri ta’ kuljum jew ta’ spiss biex imorru għax-xogħol jew l-iskola, iżuru qraba stretti, ifittxu kura medika, jew jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom, il-Kummissjoni timpenja ruħha li timmobilizza fondi addizzjonali ta’ EUR 100 miljun permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza għax-xiri ta’ testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jikkwalifikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikat tat-test skont ir-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun meħtieġ, jista’ jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali ta’ aktar minn EUR 100 miljun, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/190


P9_TA(2021)0274

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE – ċittadini ta' pajjiżi terzi ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) (COM(2021)0140 – C9-0100/2021 – 2021/0071(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 67/32)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0140),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0100/2021),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Mejju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (1);

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fid-29 ta' April 2021 (Testi adottati, P9_TA(2021)0146).


P9_TC1-COD(2021)0071

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/954.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni taqbel li vaċċini u testijiet affordabbli u aċċessibbli għall-COVID-19 għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. B’kont meħud li mhux il-popolazzjoni kollha se tkun tlaqqmet meta r-Regolamenti (UE) 2021/953 u (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jidħlu fis-seħħ, l-aċċess għal possibbiltajiet ta’ ttestjar affordabbli u disponibbli b’mod wiesa’ huwa importanti biex jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u l-mobbiltà fl-Ewropa.

Biex tappoġġa l-kapaċitajiet tal-ittestjar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà mmobilizzat fondi permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza biex tixtri testijiet rapidi tal-antiġeni u nediet akkwist bi sħab għal aktar minn nofs biljun test rapidu tal-antiġeni. Il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qed tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tal-ittestjar, b’finanzjament mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza.

Biex tkompli tappoġġa d-disponibbiltà ta’ testijiet affordabbli, b’mod partikolari għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri ta’ kuljum jew ta’ spiss biex imorru għax-xogħol jew l-iskola, iżuru qraba stretti, ifittxu kura medika, jew jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom, il-Kummissjoni timpenja ruħha li timmobilizza fondi addizzjonali ta’ EUR 100 miljun permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza għax-xiri ta’ testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jikkwalifikaw għall-ħruġ ta’ ċertifikat tat-test skont ir-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun meħtieġ, jista’ jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali ta’ aktar minn EUR 100 miljun, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja.


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/192


P9_TA(2021)0279

Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali 2021-2027 – Ewropa Globali ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (06879/1/2021 – C9-0191/2021 – 2018/0243(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2022/C 67/33)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (06879/1/2021 – C9-0191/2021),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2018 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Diċembru 2018 (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0460),

wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2020)0459),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0198/2021),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Japprova d-dikjarazzjonijiet tiegħu annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif xieraq u, bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-dikjarazzjonijiet kollha mehmużin ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 45, 4.2.2019, p. 1.

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 295.

(3)  ĠU C 108, 26.3.2021, p. 312.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija fl-ambitu tal-istrumenti finanzjarji esterni

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) 2021/947 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali fih referenza ġenerali dwar il-possibbiltà li l-assistenza tiġi sospiża mingħajr ma tiġi speċifikata l-bażi konkreta għal tali deċiżjoni. Tali sospensjoni ta' assistenza għandha tiġi implimentata fejn pajjiż sieħeb jonqos b'mod persistenti milli josserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt jew il-governanza tajba, jew ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jew għal standards ta' sikurezza nukleari rikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

Madankollu, il-Parlament Ewropew jinnota li, għall-kuntrarju ta' oqsma ġeografiċi oħra ta' kooperazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi għaż-żona tal-Viċinat, b'mod partikolari l-Artikolu 20(2), jipprevedu appoġġ akbar għas-soċjetà ċivili, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi, il-kuntatti bejn il-persuni, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, appoġġ għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem jew miżuri ta' appoġġ relatati mal-kriżi, fil-każ ta' degradazzjoni serja jew persistenti tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-istat tad-dritt, jew riskju akbar ta' kunflitt. Il-Parlament Ewropew iqis li tali appoġġ akbar għall-oqsma msemmija hawn fuq għandu jiġi pprovdut jekk tali degradazzjoni sseħħ ukoll f'pajjiżi barra miż-żona tal-Viċinat, u jfakkar li b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) jipprevedi li l-azzjonijiet implimentati permezz ta' programmi tematiċi jistgħu jitwettqu wkoll fejn il-programm ġeografiku jkun ġie sospiż.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza fl-ambitu ta' dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma fl-ambitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE u koordinazzjoni strateġika

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-referenzi għall-istrumenti ta' azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE ma għadhomx validi, u għalhekk iqis li, għal raġunijiet ta' ċarezza tad-dritt, dan l-Artikolu għandu jiġi aġġornat, f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sabiex jitqiesu l-istrumenti ta' assistenza esterna tal-Unjoni applikabbli fil-perjodu tal-QFP tal-2021-2027, jiġifieri l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew għal Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tas-Sikurezza Nukleari u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Ekstra-Ewropea, inkluża Greenland.

Il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistabbilixxu struttura ta' koordinazzjoni strateġika magħmula mis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni u mis-SEAE sabiex jiġu żgurati l-koerenza, is-sinerġija, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/947 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar djalogu ġeopolitiku mal-Parlament Ewropew rigward l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali

Il-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li tqis il-funzjonijiet ta' kontroll politiku tal-Parlament Ewropew stabbiliti fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, timpenja ruħha li twettaq djalogu ġeopolitiku ta' livell għoli bejn iż-żewġ istituzzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali. Dan id-djalogu għandu jippermetti skambji mal-Parlament Ewropew, li l-pożizzjonijiet tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-NDICI se jitqiesu kompletament.

Id-djalogu ġeopolitiku se jiddiskuti orjentazzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-NDICI, inkluż dwar l-ipprogrammar qabel l-adozzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni, u rigward suġġetti speċifiċi bħall-użu tar-riżerva għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti jew l-applikazzjoni ta' ingranaġġ li jwasslu għal modifiki possibbli fl-allokazzjoni tal-finanzjament iddedikat għall-migrazzjoni jew is-sospensjoni tal-assistenza lil pajjiż sieħeb meta dan jonqos b'mod persistenti milli josserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Id-djalogu ġeopolitiku se jkun strutturat kif ġej:

(i)

Djalogu ta' livell għoli bejn ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President u l-Kummissarji responsabbli għas-Sħubijiet Internazzjonali u għall-Viċinat u t-Tkabbir u għall-Parlament Ewropew.

(ii)

Djalogu permanenti fil-livell ta' uffiċjali għolja mal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat AFET u l-Kumitat DEVE biex jiġu ggarantiti tħejjija u segwitu adegwati għad-djalogu ta' livell għoli.

Id-djalogu ta' livell għoli se jsir mill-inqas darbtejn fis-sena. Waħda mil-laqgħat tista' tikkoinċidi mal-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozz ta' baġit annwali.

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Premessi 50 u 51 u l-Artikolu 8(10)

Programmi ta' sostenn għall-migrazzjoni reġjonali se jappoġġjaw sħubiji komprensivi, ibbilanċjati u mfassla apposta ma' pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu rilevanti u pajjiżi ospitanti, li jsegwu approċċ persważiv flessibbli, u appoġġjati mill-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni fl-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali. Fejn xieraq se jiġu supplimentati minn azzjonijiet fil-qafas tal-programmi nazzjonali.

Sabiex jiġi ggarantit l-użu l-aktar effiċjenti u effikaċi ta' dawn il-fondi, f'konformità mal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni u tal-pajjiżi sħab, il-Kummissjoni Ewropea se timplimenta b'mod attiv dawn il-prijoritajiet billi tuża l-istrumenti rilevanti kollha tal-Unjoni u se tipparteċipa fil-koordinazzjoni mal-Istati Membri b'mod sinkronizzat u effiċjenti. Se tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informati mill-qrib u regolarment, sabiex ikunu jistgħu jsiru skambji ta' fehmiet.


Il-Ħamis 10 ta’ Ġunju 2021

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/195


P9_TA(2021)0280

Regolamenti u kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2021/2053(INL) – 2019/0900(APP)) (1)

(2022/C 67/34)

Abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (2021/2053(INL)–2019/0900(APP))

IL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 228(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106(a)(1) tiegħu,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (3),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari il-punt (d) tal-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 228 tiegħu, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

(2)

Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew (4) ġiet emendata l-aħħar fl-2008. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'regolament adottat abbażi tal-Artikolu 228(4) tat-TFUE.

(3)

L-Artikolu 41 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 43 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jirreferi lill-Ombudsman Ewropew każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni. Sabiex ikun żgurat li dawk id-drittijiet huma effettivi u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ombudsman biex iwettaq inkjesti bir-reqqa u b'mod imparzjali, u b’hekk tiġi sostnuta l-indipendenza tal-Ombudsman li fuqha jiddependu t-tnejn li huma, jenħtieġ li l-Ombudsman jingħata l-għodod kollha meħtieġa biex iwettaq b'suċċess id-dmirijiet tal-Ombudsman imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament.

(4)

L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet skont liema jista' jitressaq ilment lill-Ombudsman jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipju ta' aċċess sħiħ, liberu u faċli, b'kunsiderazzjoni xierqa tingħata lir-restrizzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi.

(5)

L-Ombudsman jenħtieġ li jaġixxi b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kompetenzi tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni li huma s-soġġetti tal-inkjesti tiegħu.

(6)

Huwa meħtieġ li fejn l-inkjesti tal-Ombudsman jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. -Jenħtieġ li l-Ombudsman jissottometti rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew fl-aħħar ta' kull sessjoni annwali. L-Ombudsman jenħtieġ li jkun intitolat ukoll li f’dak ir-rapport annwali, jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula.

(7)

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman u jiġu promossi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni, ikun tajjeb li l-Ombudsman, mingħajr preġudizzju għad-dmir primarju tiegħu, li huwa li jittratta l-ilmenti, iwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b'mod partikolari f'każijiet ripetuti, sistemiċi jew partikolarment serji ta' amministrazzjoni ħażina.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jenħtieġ li japplika għal talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Ombudsman, bl-eċċezzjoni ta' dawk miksuba matul inkjesta, li f’liema każ it-talbiet jenħtieġ li jiġu ttrattati mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni tal-oriġini.

(9)

L-Ombudsman jenħtieġ li jingħata aċċess għall-elementi kollha meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijietu. Għal dak il-għan, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni li huwa jitlob għall-finijiet ta' inkjesta. Meta l-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman ikun jirrikjedi li l-Ombudsman jingħata informazzjoni kklassifikata miżmuma mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista’ jaċċessa tali informazzjoni, soġġett għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tagħha.

(10)

Jenħtieġ li l-Ombudsman u l-persunal tiegħu jkunu fid-dmir li jittrattaw b'kunfidenzjalità kwalunkwe informazzjoni li jkunu kisbu fil-qadi ta' dmirijiethom; mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jinforma lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-fatti li jista' jkollhom x'jaqsmu ma' reati kriminali u li jkun sar jaf bihom waqt inkjesta. Barra minn hekk, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista' jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati dwar il-fatti li jqajmu dubju dwar l-imġiba ta' membru tal-persunal tagħhom. L-obbligu tal-Ombudsman li jittratta b'mod kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qadi ta' dmirijietu jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ombudsman li jwettaq xogħlu b'mod kemm jista' jkun miftuħ skont l-Artikolu 15(1) tat-TFUE. B'mod partikolari, sabiex iwettaq dmirijietu kif xieraq u sabiex jappoġġja s-sejbiet tiegħu, l-Ombudsman jenħtieġ li jkun jista' jirreferi fir-rapporti tiegħu għal kwalunkwe informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku.

(11)

Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq effettiv ta' dmirijietu, l-Ombudsman jenħtieġ li jingħata l-possibbiltà li jikkoopera u jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f'konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, u ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

(12)

L-Ombudsman jenħtieġ li jiġi elett mill-Parlament Ewropew fil-bidu tal-leġiżlatura u għat-tul ta' żmien tagħha, magħżul minn fost il-persuni li huma ċittadini tal-Unjoni u li joffru l-garanziji meħtieġa kollha ta' indipendenza u kompetenza. Jenħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġenerali fost l-oħrajn dwar il-waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman, is-sostituzzjoni tal-Ombudsman, għall-inkompatibbiltajiet, ir-remunerazzjoni tal-Ombudsman u l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Ombudsman.

(13)

Jenħtieġ li jiġi speċifikat li s-sede tal-Ombudsman jenħtieġ li tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminat bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6 dwar il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta' ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (il-“Protokoll Nru 6”).

(14)

L-Ombudsman jenħtieġ li jikseb parità bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tas-segretarjat tiegħu, billi jagħti kunsiderazzjoni xierqa lill-Artikolu 1d(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (7) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

(15)

Huwa f'idejn l-Ombudsman li jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta' opinjoni minn dawn l-istituzzjonijiet fil-perjodu ta' żmien stabbilit b'mod raġonevoli mill-Ombudsman minn qabel, huwa jista' jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni kkonċernati. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-ogħla standards fil-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman, jenħtieġ li l-kontenut minimu tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati jiġi stabbilit f'dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew).

2.   L-Ombudsman għandu jkun kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijietu u għandu jaġixxi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

3.   L-Ombudsman għandu jgħin biex jiżvela amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-punt (d) tal-Artikolu 20(2), u l-Artikolu 228 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

L-ebda azzjoni minn xi awtorità jew persuna oħra ma tista' tkun is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman.

4.   Fejn xieraq, l-Ombudsman għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, proposti għal soluzzjonijiet u suġġerimenti għal titjib biex tiġi indirizzata l-kwistjoni.

5.   Fil-qadi ta' dmirijietu, l-Ombudsman ma jistax jikkontesta l-korrettezza ta' deċiżjoni ta' qorti jew il-kompetenza ta' qorti li toħroġ deċiżjoni.

Artikolu 2

Ilmenti

1.   Kull ċittadin tal-Unjoni jew persuna ġuridika jew naturali li tirrisjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru tista', direttament jew permezz ta' membru tal-Parlament Ewropew, tressaq ilment lill-Ombudsman rigward amministrazzjoni ħażina.

2.   Ilment għandu jagħmel referenza ċara għas-suġġett tiegħu u għall-identità tal-ilmentatur. Ilmentatur jista' jitlob li l-ilment, jew partijiet minnu, jibqgħu kunfidenzjali.

3.   Ilment għandu jitressaq fi żmien sentejn mid-data meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment. Qabel ma jitressaq l-ilment, l-ilmentatur għandu jagħmel il-passi amministrattivi xierqa fir-rigward tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija kkonċernata.

4.   L-Ombudsman għandu jirrifjuta lment bħala inammissibbli jekk ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman jew jekk ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux issodisfati. Meta lment ma jkunx fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman, huwa jista' jagħti parir lill-ilmentatur biex jindirizzah lil awtorità oħra.

5.   Jekk l-Ombudsman isib li l-ilment huwa manifestament infondat, huwa għandu jagħlaq il-fajl u jinforma lill-ilmentatur dwar dik is-sejba. F'każijiet fejn l-ilmentatur ikun informa lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar l-ilment, l-Ombudsman għandu jinforma wkoll lill-awtorità kkonċernata.

6.   L-ilmenti li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet industrijali bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-persunal tagħhom għandhom ikunu ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun eżawriet il-proċeduri amministrattivi interni kollha, b'mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni jew il-limiti ta' żmien għat-tweġiba tagħha jkunu skadew. L-Ombudsman għandu jkun intitolat ukoll li jivverifika l-miżuri adottati mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiżgura l-protezzjoni tal-allegati vittmi ta' fastidju u biex jerġa' jkun hemm ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur li jirrispetta d-dinjità tal-persuni kkonċernati waqt li tkun għaddejja inkjesta amministrattiva, dment li l-persuni kkonċernati jkunu eżawrew il-proċeduri amministrattivi interni fir-rigward ta' dawn il-miżuri.

7.   L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata dwar ilment, malli dak l-ilment ikun ġie ddikjarat ammissibbli u tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta.

8.   L-ilmenti mressqa lill-Ombudsman ma għandhomx jaffettwaw il-limiti ta' żmien sabiex jiġu ppreżentati appelli fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji.

9.   Fejn, minħabba proċeduri ġudizzjarji li jkunu għaddejjin jew ikunu ġew konklużi rigward il-fatti ppreżentati, l-Ombudsman jiddikjara li lment ikun inammissibbli jew jiddeċiedi li jieqaf jikkunsidrah, l-eżitu ta' kwalunkwe inkjesta li l-Ombudsman ikun għamel sa dak iż-żmien għandu jiddaħħal f’fajl u dak il-fajl għandu jingħalaq.

10.   L-Ombudsman għandu malajr kemm jista’ jkun jinforma lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda rigward l-ilment u, sa fejn ikun possibbli, ifittex soluzzjoni mal-istituzzjoni, mal-korp, mal-uffiċċju jew mal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata biex tiġi eliminata l-amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar is-soluzzjoni proposta flimkien mal-kummenti, jekk ikun hemm, tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata. L-ilmentatur jista' jissottometti kummenti jew jipprovdi, fi kwalunkwe stadju, informazzjoni addizzjonali li ma kinitx magħrufa fil-mument tas-sottomissjoni tal-ilment.

Meta tinstab soluzzjoni aċċettata mill-ilmentatur u mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, l-Ombudsman jista' jagħlaq il-fajl mingħajr ma jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 4.

Artikolu 3

Inkjesti

1.   F'konformità ma' dmirijietu, l-Ombudsman għandu jwettaq inkjesti li għalihom isib raġunijiet, fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara lment.

2.   L-Ombudsman għandu jinforma lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata minn tali inkjesti mingħajr dewmien żejjed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tista', fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Ombudsman, tippreżenta kwalunkwe kumment jew evidenza utli.

3.   L-Ombudsman jista' jwettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, u b'mod partikolari f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina ripetuta, sistemika jew partikolarment serja sabiex jiġu indirizzati dawk il-każijiet bħala kwistjoni ta' interess pubbliku. Fil-kuntest ta' inkjesti bħal dawn, huwa jista' wkoll jagħmel proposti u inizjattivi biex jippromwovi l-aħjar prattiki amministrattivi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 4

Interazzjoni bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet

1.   Meta, wara inkjesta, jinstabu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, l-Ombudsman għandu jinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata bis-sejbiet tal-inkjesta u, fejn xieraq, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet.

2.   L-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-Ombudsman jista', fuq talba motivata tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, jagħti estensjoni ta' dik l-iskadenza. Dik l-iskadenza ma għandhiex tkun itwal minn xahrejn. Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata sal-iskadenza oriġinali ta' tliet xhur jew sal-iskadenza estiża, l-Ombudsman jista' jagħlaq l-inkjesta mingħajr tali opinjoni.

3.   Meta tingħalaq inkjesta, l-Ombudsman għandu jibgħat rapport lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u, meta n-natura jew id-daqs tal-każ ta' amministrazzjoni ħażina li jkun skopra jirrikjedi dan, lill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rapport. L-Ombudsman għandu jinforma lill-ilmentatur dwar l-eżitu tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula fir-rapport.

4.   Fejn ikun xieraq fir-rigward ta' inkjesta dwar l-attivitajiet ta' istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, l-Ombudsman jista' jinstema' quddiem il-Parlament Ewropew, fil-livell xieraq, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew.

5.   Fi tmiem kull sessjoni annwali, l-Ombudsman għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tal-inkjesti mwettqa minnu. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet, mal-proposti għal soluzzjonijiet u mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll, fejn rilevanti, l-eżitu tal-inkjesti tal-Ombudsman relatati ma' fastidju, żvelar ta' informazzjoni protetta u kunflitti ta' interess fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji jew fl-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Għoti ta' informazzjoni lill-Ombudsman

1.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “l-għoti ta' informazzjoni” jinkludi l-mezzi fiżiċi u elettroniċi kollha li bihom l-Ombudsman u s-segretarjat tiegħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni, inklużi dokumenti, indipendentement mill-forma tagħha.

2.   “Informazzjoni klassifikata tal-UE” tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal magħżul mill-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-UE, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tiegħu tista' tikkawża gradi differenti ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni jew għal dawk ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

3.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-Ombudsman jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lill-Ombudsman kwalunkwe informazzjoni li jkun talab għall-finijiet ta' inkjesta.

4.   L-Ombudsman għandu jingħata informazzjoni klassifikata tal-UE għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata tal-UE trid tkun lestiet il-proċeduri interni rilevanti tagħha u, meta l-oriġinatur ikun parti terza, din tal-aħħar trid tkun tat l-approvazzjoni tagħha bil-miktub minn qabel;

(b)

il-ħtieġa tal-għarfien tal-Ombudsman trid tkun ġiet stabbilita;

(c)

irid jkun żgurat li l-aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla jingħata biss lil persuni li jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà għal-livell ta' sigurtà rilevanti f'konformità mad-dritt nazzjonali u awtorizzati mill-awtorità ta' sigurtà kompetenti.

5.   Għall-għoti ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kkonċernata tal-Unjoni għandha tivvaluta jekk l-Ombudsman ikunx effettivament stabbilixxa regoli ta' sigurtà interna kif ukoll miżuri fiżiċi u proċedurali biex tiġi protetta informazzjoni klassifikata tal-UE. Għal dan il-għan, l-Ombudsman u istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jistgħu jidħlu wkoll f'arranġament li jistabbilixxi qafas ġenerali li jirregola l-għoti ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

6.   F'konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandu jiġi pprovdut fil-bini tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Ombudsman.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni koperta mil-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata jew mid-dispożizzjonijiet li jipprevjenu l-komunikazzjoni tagħha.

Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat jista' jipprovdi tal-informazzjoni lill-Ombudsman soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tiegħu.

8.   Fejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu beħsiebhom jipprovdu lill-Ombudsman b’informazzjoni klassifikata tal-UE jew kwalunkwe informazzjoni oħra li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku, huma għandhom jagħtu lill-Ombudsman notifika minn qabel.

L-Ombudsman għandu jiżgura li tali informazzjoni tkun protetta b’mod adegwat u b’mod partikolari ma għandux jiżvela din l-informazzjoni lill-ilmentatur jew lill-pubbliku mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, l-approvazzjoni għandha tingħata bil-miktub.

9.   L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jiċħdu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom jipprovdu lill-Ombudsman ġustifikazzjoni bil-miktub, li tindika, bħala minimu, ir-raġunijiet għar-rifjut.

10.   L-Ombudsman għandu jżomm fil-pussess tiegħu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 biss sakemm l-inkjesta tingħalaq b'mod definittiv.

L-Ombudsman jista' jitlob lil istituzzjoni, lil korp, lil uffiċċju jew lil aġenzija ta’ l-Unjoni, jew lil Stat Membru, biex iżomm tali informazzjoni għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin.

11.   Jekk l-assistenza mitluba ma tkunx disponibbli meta tkun meħtieġa, l-Ombudsman għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jaġixxi kif xieraq.

Artikolu 6

Aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Ombudsman

L-Ombudsman għandu jittratta t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti, bl-eċċezzjoni ta' dawk miksuba matul inkjesta u miżmuma mill-Ombudsman għad-durata ta’ dik l-inkjesta jew wara l-għeluq tagħha, f'konformità mal-kundizzjonijiet u l-limiti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ikkomplementat mir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

Artikolu 7

Smigħ ta' uffiċjali u aġenti oħra

1.   L-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Ombudsman, jinstemgħu, rigward il-fatti li jkollhom x'jaqsmu ma' inkjesta li jkun qed jagħmel l-Ombudsman.

2.   Dawk l-uffiċjali u aġenti oħra għandhom jitkellmu f'isem l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tagħhom. Huma għandhom jibqgħu marbuta mal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli li jkunu soġġetti għalihom.

Artikolu 8

Inkjesti fil-kuntest tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta

1.   L-Ombudsman jista' jwettaq inkjesta biex jiżvela każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta' informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li jkunu ġew divulgati lilu minn uffiċjal jew minn aġent ieħor f'konformità mar-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

2.   F'każijiet bħal dawn, l-uffiċjal jew aġent ieħor għandu jibbenefika mill-protezzjoni offruta mir-Regolamenti tal-Persunal kontra kwalunkwe effett ta' preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni bħala riżultat tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

3.   L-Ombudsman jista' jinvestiga wkoll jekk kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina fit-trattament ta' tali każ mill-istituzzjoni, mill-korp, mill-uffiċċju jew mill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-uffiċjal jew ta' aġent ieħor ikkonċernat.

Artikolu 9

Segretezza professjonali

1.   L-Ombudsman u l-persunal tiegħu ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni jew dokumenti li jiksbu matul l-inkjesta. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, huma ma għandhom, b'mod partikolari, jiddivulgaw l-ebda informazzjoni klassifikata tal-UE jew dokument intern tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni pprovduti lill-Ombudsman jew dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Huma ma għandhomx jiddivulgaw lanqas kwalunkwe informazzjoni li tista' tagħmel ħsara lid-drittijiet tal-ilmentatur jew ta' kwalunkwe persuna oħra involuta.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta' rapportar tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jekk il-fatti li jiġu magħrufa waqt inkjesta tal-Ombudsman jistgħu jikkostitwixxu jew ikunu relatati ma’ reat kriminali, l-Ombudsman għandu jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, sa fejn il-każ jaqa’ fil-kompetenzi rispettivi tagħhom lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9) u lill-OLAF.

3.   Jekk ikun il-każ, u bil-ftehim tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew tal-OLAF, l-Ombudsman għandu jinnotifika wkoll lill-istituzzjoni, lill-korp, lill-uffiċċju jew lill-aġenzija tal-Unjoni b'awtorità fuq l-uffiċjal jew fuq aġent ieħor ikkonċernat, li tista' tibda l-proċeduri xierqa.

Artikolu 10

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet, mal-korpi, mal-uffiċċji u mal-aġenziji tal-Unjoni

1.   Fejn ikun meħtieġ għall-qadi ta' dmirijietu, l-Ombudsman jista' jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, f'konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli.

2.   Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dmirijietu, l-Ombudsman jista' jikkoopera wkoll ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari ma' dawk inkarigati mill-promozzjoni u mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Ombudsman għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni jew sovrapożizzjoni mal-attivitajiet ta' dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

3.   Il-komunikazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha ssir permezz tar-rappreżentanzi permanenti tagħhom għall-Unjoni, ħlief meta r-rappreżentanza permanenti kkonċernata taqbel li s-segretarjat tal-Ombudsman jista' jikkuntattja direttament lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 11

Elezzjoni tal-Ombudsman

1.   L-Ombudsman għandu jiġi elett, u eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid, f'konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE minn kandidati magħżula wara proċedura trasparenti.

2.   Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal nomini f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman għandu jintgħażel minn persuni li:

huma ċittadini tal-Unjoni,

igawdu minn drittijiet ċivili u politiċi sħaħ,

joffru kull garanzija ta' indipendenza,

jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex f'pajjiżhom iwettqu l-ogħla funzjonijiet ġuridiċi jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi mistennija mill-Ombudsman, u

ma kinux membri ta' gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, jew tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-nomini.

Artikolu 12

Waqfien tad-dmirijiet tal-Ombudsman

1.   L-Ombudsman għandu jieqaf jeżerċita d-dmirijiet jew fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew meta jirriżenja jew jitkeċċa.

2.   Ħlief fil-każ ta' tkeċċija, l-Ombudsman għandu jibqa' fil-kariga sakemm jinħatar Ombudsman ġdid.

3.   F'każ ta' terminazzjoni qabel il-waqt, l-Ombudsman il-ġdid għandu fi żmien tliet xhur minn meta l-kariga ssir vakanti, jiġi elett għall-bqija ta' dak il-mandat tal-Parlament Ewropew. Sakemm jinħatar Ombudsman ġdid, l-uffiċjal prinċipali msemmi fl-Artikolu 16(2) għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet urġenti li jaqgħu taħt id-dmirijiet tal-Ombudsman.

Artikolu 13

It-tneħħija

Meta l-Parlament Ewropew ikollu l-intenzjoni li jitlob it-tkeċċija tal-Ombudsman f'konformità mal-Artikolu 228(2) tat-TFUE, huwa għandu jisma' lill-Ombudsman qabel ma jagħmel talba bħal din.

Artikolu 14

L-eżerċitar tad-dmirijiet tal-Ombudsman

1.   Fit-twettiq tad-dmirijiet, l-Ombudsman għandu jaġixxi f'konformità mal-Artikolu 228(3) tat-TFUE. L-Ombudsman ma għandux jagħmel atti li jkunu inkompatibbli man-natura ta’ dawk id-dmirijiet.

2.   Meta jieħu l-kariga, l-Ombudsman għandu jagħmel impenn solenni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li se jwettaq id-dmirijiet imsemmija fit-Trattati u f'dan ir-Regolament b'indipendenza u imparzjalità kompluta u li se jirrispetta l-obbligi li jirriżultaw matul u wara l-mandat tiegħu. L-impenn solenni għandu b'mod partikolari jinkludi d-dmir li jġib ruħu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji wara t-tmiem tal-mandat.

3.   Tul iż-żmien tal-Ombudsman fil-kariga, l-Ombudsman ma jista' jeżerċita l-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.

Artikolu 15

Remunerazzjoni, privileġġi u immunitajiet

1.   L-Ombudsman għandu jkollu l-istess remunerazzjoni, allowances u pensjoni bħal dawk tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   L-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom japplikaw għall-Ombudsman u għall-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tiegħu.

Artikolu 16

Is-Segretarjat tal-Ombudsman

1.   L-Ombudsman għandu jingħata baġit adegwat, biżżejjed biex jiżgura l-indipendenza tal-Ombudsman u t-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

2.   L-Ombudsman għandu jiġi assistit minn segretarjat. L-Ombudsman għandu jaħtar l-uffiċjal prinċipali tas-segretarjat.

3.   L-uffiċjali u aġenti oħra tas-segretarjat tal-Ombudsman għandhom ikunu soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal. In-numru tal-membri tal-persunal tas-segretarjat għandu jiġi adottat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

4.   Meta l-uffiċjali tal-Unjoni jiġu ssekondati mas-segretarjat tal-Ombudsman, dak is-sekondar għandu jitqies bħala sekondar fl-interessi tas-servizz f'konformità mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 u l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 17

Is-sede tal-Ombudsman

Is-sede tal-Ombudsman għandha tkun dik tal-Parlament Ewropew kif iddeterminata bil-punt (a) tal-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 6 .

Artikolu 18

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

L-Ombudsman għandu jadotta d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal dan ir-Regolament, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-Kummissjoni Ewropea. Dawk għandhom ikunu f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandhom, bħala minimu, jinkludu tal-inqas dispożizzjonijiet dwar:

(a)

id-drittijiet proċedurali tal-ilmentatur u tal-istituzzjoni, tal-korp, tal-uffiċċju jew tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata;

(b)

il-wasla, l-ipproċessar u l-għeluq ta' lmenti;

(c)

l-inkjesti fuq inizjattiva proprja; u

(d)

l-inkjesti ta' segwitu.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet finali

1.   Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom hija mħassra.

2.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.


(1)  Skont l-Artikolu 46, it-tielet paragrafu, tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Parlament iddeċieda li jipposponi l-votazzjoni tal-mozzjoni għal riżoluzzjoni sakemm il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu ddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-abbozz ta’ Regolament stabbilit hawn taħt skont l-Artikolu 228(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. (A9-0174/2021).

(2)  Approvazzjoni ta’ … (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni ta’ … (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Deċiżjoni 94/262/ECSC, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(7)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/203


P9_TA(2021)0281

Dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) 2016/1628) ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali dwar ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-medda tal-potenza bejn 56 kW u 130 kW, u aktar minn 300 kW biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (COM(2021)0254 – C9-0185/2021 – 2021/0129(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 67/35)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0254),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0185/2021),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2021 (1),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-2 ta’ Ġunju 2021 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P9_TC1-COD(2021)0129

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Ġunju 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu għal ċertu makkinarju mgħammar b’magni fil-meded tal-potenza akbar minn jew ugwali għal 56 kW u inqas minn 130 kW, u akbar minn jew ugwali għal 300 kW, biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/1068.)