ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 465

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
17 ta' Novembru 2021


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2020–2021
Dati tas-seduti: 8-11 ta’ Frar 2021
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021

2021/C 465/01

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir l-ebda oġġezzjoni għall-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/424, (UE) 2019/1781, (UE) 2019/2019, (UE) 2019/2020, (UE) 2019/2021, (UE) 2019/2022, (UE) 2019/2023 u (UE) 2019/2024 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti tal-ħżin tad-data, muturi elettriċi u sistemi ta' trażmissjoni b'veloċità varjabbli, apparat refriġeranti, sorsi tad-dawl u tagħmir ta' kontroll separat, unitajiet tal-wiri elettroniċi, magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u apparat refriġeranti b'funzjoni ta' bejgħ dirett (D069494/02 – 2020/2917(RPS))

2

 

L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 2021

2021/C 465/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020 (2020/2123(INI))

4

2021/C 465/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (2020/2077(INI))

11

2021/C 465/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (2020/2029(INI))

30

2021/C 465/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. (2020/2047(INI))

47

2021/C 465/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 122(7)) – Rapport annwali għas-snin 2016-2018 (2019/2198(INI))

54

2021/C 465/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu (2019/2188(INI))

62

2021/C 465/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport (2020/2864(RSP))

82

 

Il-Ħamis, 11 ta’ Frar 2021

2021/C 465/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (2019/2202(INI))

87

2021/C 465/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (2020/2818(RSP))

110

2021/C 465/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 dwar is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja (2021/2511(RSP))

123

2021/C 465/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni umanitarja u politika fil-Jemen (2021/2539(RSP))

126

2021/C 465/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar (2021/2540(RSP))

135

2021/C 465/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Paul Rusesabagina (2021/2543(RSP))

143

2021/C 465/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (2021/2544(RSP))

147

2021/C 465/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Uganda (2021/2545(RSP))

154

2021/C 465/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa fil-futur: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (2021/2509(RSP))

160


 

II   Komunikazzjonijiet

 

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021

2021/C 465/18

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro (2019/2150(IMM))

170


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021

2021/C 465/19

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar il-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (N9-0080/2020 – C9-0425/2020 – 2020/0910(NLE))

172

2021/C 465/20

P9_TA(2021)0032
Il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (kodifikazzjoni) (COM(2020)0048 – C9-0017/2020 – 2020/0029(COD))
P9_TC1-COD(2020)0029
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Frar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (kodifikazzjoni)

174

2021/C 465/21

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021 (C(2021)00188 – 2021/2517(DEA))

175

2021/C 465/22

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/884 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 (C(2021)00371 – 2021/2530(DEA))

176

2021/C 465/23

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-istandards tekniċi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fir-rigward taż-żmien meta se jibdew japplikaw ċerti proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju għall-fini tal-iskambju tal-kollateral (C(2020)9147 – 2020/2942(DEA))

178

2021/C 465/24

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 fir-rigward tad-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal ċerti tipi ta' kuntratti (C(2020)9148 – 2020/2943(DEA))

180

 

L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 2021

2021/C 465/25

P9_TA(2021)0038
L-istabbiliment tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (COM(2020)0408 – C9-0150/2020 – 2020/0104(COD))
P9_TC1-COD(2020)0104
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

182

 

Il-Ħamis, 11 ta’ Frar 2021

2021/C 465/26

P9_TA(2021)0046
Is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0280 – C9-0210/2020 – 2020/0152(COD))
P9_TC1-COD(2020)0152
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni, governanza tal-prodotti u limiti ta' pożizzjoni, u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/878 fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-investiment, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19

185

2021/C 465/27

P9_TA(2021)0047
Il-prospett ta' Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għal intermedjarji finanzjarji biex jgħinu l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-prospett ta' Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għal intermedjarji finanzjarji biex jgħinu l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0281 – C9-0206/2020 – 2020/0155(COD))
P9_TC1-COD(2020)0155
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb li li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-Prospett ta' Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji u d-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-użu tal-format elettroniku uniku għar-rapportar għar-rapporti finanzjarji annwali, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID 19

186

2021/C 465/28

P9_TA(2021)0048
Regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni: Eżenzjoni temporanja ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0818 – C9-0420/2020 – 2020/0358(COD))
P9_TC1-COD(2020)0358
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta' slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19

188

2021/C 465/29

P9_TA(2021)0049
Miżuri temporanji dwar il-validità taċ-ċertifikati u tal-liċenzji (Omnibus II) ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 dwar it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, għal perjodi ta’ referenza sussegwenti għal dawk imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (COM(2021)0025 – C9-0004/2021 – 2021/0012(COD))
P9_TC1-COD(2021)0012
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698

189


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2020–2021

Dati tas-seduti: 8-11 ta’ Frar 2021

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/2


P9_TA(2021)0033

Ebda oġġezzjoni għal miżura ta’ implimentazzjoni: Rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir l-ebda oġġezzjoni għall-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/424, (UE) 2019/1781, (UE) 2019/2019, (UE) 2019/2020, (UE) 2019/2021, (UE) 2019/2022, (UE) 2019/2023 u (UE) 2019/2024 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti tal-ħżin tad-data, muturi elettriċi u sistemi ta' trażmissjoni b'veloċità varjabbli, apparat refriġeranti, sorsi tad-dawl u tagħmir ta' kontroll separat, unitajiet tal-wiri elettroniċi, magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u apparat refriġeranti b'funzjoni ta' bejgħ dirett (D069494/02 – 2020/2917(RPS))

(2021/C 465/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/424, (UE) 2019/1781, (UE) 2019/2019, (UE) 2019/2020, (UE) 2019/2021, (UE) 2019/2022, (UE) 2019/2023 u (UE) 2019/2024 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti tal-ħżin tad-data, muturi elettriċi u sistemi ta' trażmissjoni b'veloċità varjabbli, apparat refriġeranti, sorsi tad-dawl u tagħmir ta' kontroll separat, unitajiet tal-wiri elettroniċi, magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u apparat refriġeranti b'funzjoni ta' bejgħ dirett

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fil-11 ta' Novembru 2020 mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2020, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhuwiex se joġġezzjona għall-abbozz tar-regolament,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tat-28 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(4)(d) u l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Frar 2021,

A.

billi, fil-5 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni, u b'hekk infetaħ il-perjodu ta' skrutinju biex il-Parlament joġġezzjona għal dak ir-regolament;

B.

billi, fl-2019, il-Kummissjoni adottat ir-Regolamenti (UE) 2019/424 (3), (UE) 2019/1781 (4), (UE) 2019/2019 (5), (UE) 2019/2020 (6), (UE) 2019/2021 (7), (UE) 2019/2022 (8), (UE) 2019/2023 (9) u (UE) 2019/2024 (10) (ir-“Regolamenti emendati”) fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti tal-ħżin tad-data, muturi elettriċi u sistemi ta' trażmissjoni b'veloċità varjabbli, apparat refriġeranti, sorsi tad-dawl u tagħmir ta' kontroll separat, unitajiet tal-wiri elettroniċi, magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u apparat refriġeranti b'funzjoni ta' bejgħ dirett;

C.

billi ġew skoperti kwistjonijiet tekniċi, li se jipperikolaw l-implimentazzjoni xierqa tar-Regolamenti emendati ladarba jibdew japplikaw fl-2021; billi l-Kummissjoni għalhekk ħejjiet abbozz ta' regolament biex tindirizza dawk il-kwistjonijiet tekniċi u biex tiċċara u tallinja ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolamenti emendati; billi, fost l-oħrajn, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi definizzjoni komuni ta' “valur iddikjarat”, biex jiġu ċċarati l-valuri li għandhom jiġu pprovduti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għall-fini ta' verifika tal-konformità u b'mod partikolari għall-ittestjar fiżiku;

D.

billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni għandu jidħol fis-seħħ sal-1 ta' Marzu 2021, sabiex l-emendi għar-Regolamenti emendati jibdew japplikaw fl-istess data bħall-biċċa l-kbira tar-Regolamenti emendati;

E.

billi d-deċiżjoni preżenti tingħata bħala miżura eċċezzjonali sabiex jiġi evitat perjodu ta' inċertezza tad-dritt għall-partijiet interessati li jeħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti emendati;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għall-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill.

(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 tal-15 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti għall-ħażna tad-data skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (ĠU L 74, 18.3.2019, p. 46).

(4)  Ir-Regolament Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1781 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal muturi elettriċi u sistemi ta' trażmissjoni b'veloċità varjabbli skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 641/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti u għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit integrati fi prodotti u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 (ĠU L 272, 25.10.2019, p. 74).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2019 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 187).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għas-sorsi tad-dawl u t-tagħmir ta' kontroll separat skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 244/2009, (KE) Nru 245/2009 u (UE) Nru 1194/2012 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 209).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 241).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 267).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 285).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2024 tal-1 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti b'funzjoni ta' bejgħ dirett skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 313).


L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/4


P9_TA(2021)0039

Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena 2020 (2020/2123(INI))

(2021/C 465/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għas-sena 2019,

wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut tal-Parlament Ewropew mogħti bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2018,

wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 21 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 123, 127(1), (2) u (5), 130, 132 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro u l-miżuri adottati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fl-4 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-BĊE dwar l-aċċess tal-intrapriżi għall-finanzjament fiż-żona tal-euro għall-perjodu minn Ottubru 2019 sa Marzu 2020, ippubblikat fit-8 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra l-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro ppubblikati fl-10 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra d-djalogi monetarji mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tas-6 ta' Frar u t-8 ta' Ġunju 2020 u tat-28 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (1),

wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali Nru 247 tat-Task Force tal-BĊE dwar il-Kriptoassi ta' Settembru 2020 bit-titolu “Stablecoins: Implications for monetary policy, financial stability, market infrastructure and payments, and banking supervision in the euro area” (Stablecoins: Implikazzjonijiet għall-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja, l-infrastruttura tas-suq u l-pagamenti, u s-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-BĊE ta' Ottubru 2020 dwar euro diġitali,

wara li kkunsidra d-dokument okkażjonali Nru 201 tal-BĊE ta' Novembru 2017 bit-titolu “The use of cash by households in the euro area” (L-użu tal-flus kontanti mill-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro),

wara li kkunsidra l-aġġornament tal-2020 tad-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-BĊE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0002/2021),

A.

billi t-Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis ix-xokkijiet ekonomiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, jipprevedi li l-ekonomija taż-żona tal-euro se tonqos bi 8,7 % fl-2020 u se tikber b'6,1 % fl-2021, u li l-ekonomija tal-UE-27 se tonqos bi 8,3 % fl-2020 u se tikber b'5,8 % fl-2021;

B.

billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE ta' Settembru 2020, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija tkun, bħala medja, 0,3 % fl-2020, 1,0 % fl-2021 u 1,3 % fl-2022, filwaqt li l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjanza sostanzjali fiż-żona tal-euro;

C.

billi, skont l-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Awwissu 2020 kienet 7,4 % fl-UE u 8,1 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad mistennija tiżdied; billi r-rata tal-qgħad mhijiex uniformi madwar l-Unjoni; billi l-inugwaljanzi reġjonali straordinarji fil-qgħad għadhom jippersistu kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom; billi r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE;

D.

billi d-data tal-BĊE dwar l-HICP għall-2020 turi impatt deflazzjonarju minħabba l-kriżi tal-COVID-19 f'bosta Stati Membri;

E.

billi l-projezzjonijiet ta' Settembru tal-BĊE għall-PDG globali reali (eskluża ż-żona tal-euro) huma tnaqqis ta' 3,7 % fl-2020, segwit minn irkupru ta' 6,2 % fl-2021 u ta' 3,8 % fl-2022;

F.

billi, minkejja t-talbiet ripetuti tal-Parlament Ewropew biex jirċievi lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri ta' mill-inqas żewġ ismijiet għall-karigi fuq il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-lista ristretta għall-ħatra ta' membru ġdid tal-Bord Eżekuttiv biex jieħu post Yves Mersch kienet magħmula minn irġiel biss; billi n-nisa għadhom sottorappreżentati ħafna fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

G.

billi fl-2019 il-profitt nett tal-BĊE ammonta għal EUR 2,366 biljun meta mqabbel ma' EUR 1,575 biljun fl-2018; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita prinċipalment għaż-żieda fl-introjtu mill-imgħax nett fl-ambitu tal-portafoll tad-dollaru Amerikan u tal-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP);

H.

billi, fi tmiem l-2019, id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq massimu ta' EUR 4 671 425 miljun, it-tieni l-ogħla livell bla preċedent wara dak tal-2018;

I.

billi l-SMEs, li għadhom is-sinsla tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE, u li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jeħtieġu aktar appoġġ;

J.

billi l-SMEs intlaqtu b'mod sever mill-kriżi tal-COVID-19; billi żviluppi fil-perspettiva ekonomika ġenerali affettwaw b'mod ħażin l-aċċess tagħhom għall-finanzi;

K.

billi t-TFUE jiddefinixxi l-mandat tal-BĊE bħala mandat biex iżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u jappoġġja l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni;

L.

billi l-UE impenjat ruħha favur newtralità klimatika sal-2050 u l-missjoni tal-BĊE hi li tgħinha tilħaqha; billi l-missjoni tal-BĊE mhijiex limitata għall-istabbiltà tal-prezzijiet iżda tinkludi wkoll is-sikurezza u s-solidità tas-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

M.

billi, skont l-istħarriġ ta' Novembru 2019 tal-Ewrobarometru, l-appoġġ pubbliku għall-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea b'munita unika waħda, jiġifieri l-euro, kien ta' 62 % fl-2019;

N.

billi fit-18 ta' Marzu 2020, il-BĊE ħabbar Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP) bħala programm temporanju u ġdid għax-xiri ta' assi tas-settur pubbliku u privat b'pakkett ta' EUR 750 biljun, sabiex jiġu indirizzati r-riskji għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19;

O.

billi fl-4 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jżid il-pakkett tal-PEPP għal EUR 1,35 triljun, sabiex jestendi l-perjodu ta' xiri nett tal-PEPP tal-inqas sal-aħħar ta' Ġunju 2021, u li l-pagamenti tal-kapital li jimmaturaw fl-ambitu tal-PEPP se jiġu investiti mill-ġdid tal-inqas sal-aħħar tal-2022; jinnota, barra minn hekk, li x-xiri nett fl-ambitu tal-APP se jkompli b'rata ta' EUR 20 biljun fix-xahar, flimkien max-xiri fl-ambitu tal-pakkett temporanju addizzjonali ta' EUR 120 biljun sal-aħħar tal-2020;

P.

billi ttieħdu miżuri ta' politika oħra sabiex tiġi pprovduta l-likwidità, bħall-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) u PELTRO, faċilità ta' likwidità speċifika għall-pandemija;

Q.

billi l-Iskema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti ttardjat konsiderevolment, minkejja l-proposti tal-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-ħtieġa urġenti li d-depożiti jiġu protetti fil-livell tal-UE;

Ħarsa ġenerali

1.

Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilit fit-Trattati, hija prerekwiżit kemm għat-twettiq tal-mandat tiegħu kif ukoll għas-salvagwardja tal-leġittimità demokratika tiegħu; jinnota li l-indipendenza tirrikjedi li l-BĊE ma jridx ifittex jew jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern ta' Stat Membru jew minn kwalunkwe korp ieħor; jenfasizza li din l-indipendenza ma tridx tiġi miksura, u jissottolinja, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-bank ċentrali għandha dejjem tkun ikkomplementata minn livell korrispondenti ta' akkontabbiltà; jisħaq li t-TFUE jiddikjara li, minbarra l-mandat primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-BĊE jrid jappoġġja wkoll il-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni, dment li dawn ma jkunux f'kunflitt mal-mandat primarju; jissottolinja li, skont kif definit fl-Artikolu 3 TFUE, l-iżvilupp sostenibbli, il-konverġenza, l-okkupazzjoni sħiħa u l-progress soċjali huma objettivi ġenerali tal-Unjoni;

2.

Jilqa' t-twaqqif ta' ċentru għat-tibdil fil-klima bħala unità ġdida fil-BĊE;

3.

Jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jenfasizza li l-euro mhuwiex biss proġett monetarju iżda huwa wkoll wieħed politiku;

4.

Huwa mħasseb dwar il-kriżi soċjali, ekonomika u tal-kura tas-saħħa bla preċedent ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li kkawżat kontrazzjoni qawwija tal-ekonomija taż-żona tal-euro u kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li qed jiddeterjoraw b'mod rapidu, inkluża ż-żieda fil-qgħad; jinnota li l-attività taż-żona tal-euro mistennija tirkupra, iżda l-veloċità u l-iskala tal-irkupru għadhom inċerti ħafna u mhumiex uniformi madwar l-Istati Membri;

5.

Huwa mħasseb, barra minn hekk, li l-bilanċ tar-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir għadu negattiv f'kuntest ta' inċertezza eċċezzjonali fejn il-livell tal-kontrazzjoni u dak tal-irkupru se jiddependu mit-tul u l-effettività tal-miżuri ta' konteniment, is-suċċess tal-politiki fiskali u monetarji għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv fuq id-dħul u l-impjiegi, u l-punt sa fejn il-kapaċità tal-provvista, id-domanda domestika u l-ktajjen tal-provvista internazzjonali huma affettwati b'mod permanenti;

6.

Jitlob evalwazzjoni mill-ġdid urġenti tar-riskju sistemiku fis-settur finanzjarju b'segwitu għall-pandemija; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' bord ta' ħidma relatat mal-pandemija fil-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku; jagħti l-parir li tiġi inkluża valutazzjoni kwalitattiva tar-riskju idjosinkratiku fit-testijiet tal-istress futuri;

7.

Jilqa' l-isforzi tal-BĊE favur iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jinnota li l-mira għall-inflazzjoni ma nkisbitx b'mod sistematiku u li hija meħtieġa viġilanza ulterjuri; jenfasizza li ż-żona tal-euro rreġistrat deflazzjoni f'dawn l-aħħar xhur; jenfasizza li d-deflazzjoni toħloq riskji sinifikanti għall-ekonomiji taż-żona tal-euro, u dan jaf jirrikjedi intervent b'saħħtu min-naħa tal-BĊE;

8.

Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed jiddiskuti l-adattament tal-kejl tal-inflazzjoni tiegħu; jinnota li l-HICP huwa kunċett ristrett ħafna tal-kejl tal-inflazzjoni li jissottovaluta l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro minħabba sehem inadegwat tal-kost tal-abitazzjoni fil-basket tal-HICP (3); jitlob aġġustament mill-ġdid tal-basket biex jiġi rifless il-fatt li l-unitajiet domestiċi Ewropej jonfqu 24 % tad-dħul tagħhom fuq infiq relatat mal-abitazzjoni; iħeġġeġ lill-BĊE jqis ukoll l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi kkawżata inter alia minn rati tal-imgħax baxxi; jirrikonoxxi l-isfidi għat-trażmissjoni tal-politika monetarja;

9.

Jirrikonoxxi s-sejħa qawwija tal-President Lagarde għall-allinjament sħiħ tal-politiki fiskali u monetarji kif ukoll l-impenn li jintużaw l-għodod kollha li jipproduċu l-aktar eżitu effettiv, effiċjenti u proporzjonat biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomika taż-żona tal-euro; jenfasizza li hemm komplementarjetajiet qawwija bejn il-politiki fiskali u monetarji; jilqa' l-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija tal-BĊE biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku taż-żona tal-euro;

Politika monetarja

10.

Jilqa' r-rispons rapidu u sostanzjali tal-politika monetarja tal-BĊE għall-kriżi tal-COVID-19 f'kuntest ta' emerġenza; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv ta' dan ir-rispons fuq is-sitwazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro; jistenna li l-BĊE jżomm l-appoġġ tiegħu sakemm dan ikun meħtieġ; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-membru tal-Bord Superviżorju tal-BĊE Yves Mersch li tali flessibbiltà mhux se tiġi estiża għal operazzjonijiet oħra;

11.

Jenfasizza li l-politika monetarja waħedha mhux se tkun biżżejjed biex jinkiseb irkupru ekonomiku sostenibbli; jenfasizza li huma neċessarji riformi li jsaħħu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali biex jiġi rrestawrat u msaħħaħ it-tkabbir ekonomiku madwar l-Unjoni; jemmen li l-potenzjal tal-politika monetarja waħedha li tiffaċilita l-irkupru huwa limitat u, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE, jistieden lill-BĊE jistudja l-possibbiltà li jsir rikors għal miżuri ta' politika oħra bil-potenzjal li jistimolaw l-ekonomija, fil-limiti tal-mandat tiegħu; jenfasizza l-effetti konsegwenzjali ta' politika monetarja akkomodanti ħafna, bħall-impatt fuq min ifaddal jew ir-riskju ta' inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi; iwissi lill-Istati Membri biex ma jqisux l-ambjent ta' rati tal-imgħax baxxi bħala xi ħaġa li mhux se tinbidel, għax żieda fir-rati tal-imgħax jista' jkollha impatt negattiv fuq is-servizzjar tad-dejn pubbliku;

12.

Iwissi, madankollu, kontra r-riskju ta' valutazzjonijiet eċċessivi fuq is-swieq tal-bonds, li jaf ikun diffiċli biex jiġu ġestiti jekk ir-rati tal-imgħax jerġgħu jibdew jogħlew, b'mod partikolari għall-pajjiżi involuti fi proċedura ta' żbilanċ eċċessiv jew dawk b'livelli għoljin ta' dejn;

13.

Jinnota l-importanza ta' politika monetarja attiva biex tittaffa l-pressjoni tar-restrizzjonijiet finanzjarji fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jirrikonoxxi li l-perċentwal ta' SMEs li jiffaċċjaw restrizzjonijiet finanzjarji naqas minn 18 % fl-2009–12 għal 8 % fl-2016–19; jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt qawwi fuq l-SMEs; jirrikonoxxi l-importanza tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fl-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu mħeġġa r-riformi kif ukoll l-investimenti privati u pubbliċi, u jitlob, għalhekk, aktar sforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali;

14.

Jitlob lill-BĊE jimmonitorja l-proporzjonalità tat-taffija kwantitattiva għar-riskji fil-karti tal-bilanċ tiegħu, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi u l-allokazzjoni ħażina potenzjali tar-riżorsi;

15.

Jinnota l-impatt tar-rati tal-imgħax baxxi fit-tul; jissottolinja li, minn naħa, ir-rati tal-imgħax baxxi joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lill-mutwatarji, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u kostijiet tas-self aktar baxxi; jirrikonoxxi l-konsegwenzi distributtivi diverġenti tal-politiki tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jeżamina l-impatt tal-politiki tiegħu fuq l-inugwaljanza fil-ġid; jiddispjaċih, min-naħa l-oħra, għaż-żieda ta' negozji mhux vijabbli u b'dejn għoli, it-tnaqqis fl-inċentiv għall-gvernijiet biex isegwu riformi li jsaħħu t-tkabbir u s-sostenibbiltà, kif ukoll l-effetti detrimentali fuq l-assiguraturi u l-fondi tal-pensjonijiet, u jenfasizza l-piż finanzjarju li dan iqiegħed fuq ħafna ċittadini madwar l-Unjoni;

16.

Jinnota r-rabta bejn il-politika monetarja u ż-żieda fil-prezzijiet tad-djar fiż-żona tal-euro; jenfasizza li r-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni persistentement għolja ta' 9,6 % fl-2018 mistennija tiżdied minħabba l-pandemija, u jitlob lill-BĊE jevalwa l-impatt reġjonali u settorjali kif ukoll l-ekwità interġenerazzjonali tal-programm ta' taffija kwantitattiva tiegħu fuq l-għoli tal-ħajja madwar l-Unjoni;

17.

Jifhem li s-severità tal-kriżi ġiegħlet lill-BĊE jċaqlaq l-attenzjoni lil hinn mir-rieżami tal-istrateġija qafas tal-politika monetarja tiegħu; jieħu nota tal-impenn meħud mill-President Lagarde matul id-djalogu monetarju tat-28 ta' Settembru 2020 li tinteraġixxi mill-qrib mal-Parlament u li tiżgura djalogi regolari;

18.

Jisħaq li kwalunkwe rieżami tal-istrateġija qafas tal-politika monetarja għandu jqis fil-fond in-natura tal-ekonomija Ewropea, li qed issir dejjem aktar marbuta mas-servizzi u diġitalizzata, u għandu jivvaluta sa liema punt dan ixekkel it-trażmissjoni tal-politiki monetarji fl-ekonomija reali;

Azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima

19.

Jinnota, filwaqt li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE, l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq id-dinamika tal-inflazzjoni u r-riskji tat-trażmissjoni fil-politika monetarja; ifakkar fir-rwol tal-BĊE fiż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; ifakkar li l-BĊE, bħala istituzzjoni Ewropea, huwa marbut bil-Ftehim ta' Pariġi;

20.

Jieħu nota tal-impenn meħud mill-President Lagarde li teżamina bidliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima fl-operazzjonijiet tal-BĊE u li tesplora kull perkors disponibbli sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jistieden lill-BĊE jallinja l-qafas kollaterali tiegħu mar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima u jiżvela l-livell ta' allinjament tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, u jeżamina wkoll dan l-allinjament fis-settur bankarju;

21.

Jitlob approċċ proattiv u kwalitattiv għall-ġestjoni tar-riskju li jintegra r-riskji sistemiċi relatati mat-tibdil fil-klima;

22.

Jilqa' l-fatt li x-xiri ta' bonds ekoloġiċi u s-sehem tagħhom fil-portafoll tal-BĊE qed ikomplu jiżdiedu;

23.

Jinkoraġġixxi l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' riċerka rigward l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà finanzjarja u ż-żona tal-euro;

Aspetti oħra

24.

Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għal kull kontinġenza possibbli b'rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

25.

Jesprimi tħassib dwar id-diverġenza li qed tiżdied b'mod kostanti tal-bilanċi TARGET2 fl-ambitu tas-SEBĊ; jinnota li l-interpretazzjoni ta' dawn id-diverġenzi hija kkontestata;

26.

Jieħu nota tal-eżiti tal-analiżi tat-Task Force tal-BĊE dwar il-Kriptoassi; jistieden lill-BĊE jindirizza r-riskji ta' ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħra relatati mal-anonimità pprovduta mill-kriptoassi; jistieden lill-BĊE jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-iżvilupp tal-kriptoassi, inklużi l-istablecoins, u r-riskji akbar għaċ-ċibersigurtà;

27.

Jilqa' l-analiżi u l-ħidma preparatorja tal-BĊE b'rabta mal-introduzzjoni ta' euro diġitali; jinnota li euro diġitali ma jikkostitwix kriptoassi; jissottolinja li euro diġitali jkollu jissodisfa firxa ta' rekwiżiti minimi fosthom ir-robustezza, is-sikurezza, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-privatezza; jisħaq li euro diġitali ma jridx jipperikola l-flus kontanti bħala mezz ta' pagament; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-BĊE li l-ħruġ ta' euro diġitali għandu jkun aċċessibbli barra ż-żona tal-euro, b'tali mod li jkun konsistenti mal-objettivi tal-Eurosistema, sabiex tiġi stimolata d-domanda għall-euro fost l-investituri barranin, u b'hekk jitrawwem rwol aktar b'saħħtu għall-euro fuq livell internazzjonali; jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ adegwat bejn li jingħata lok għal innovazzjoni finanzjarja regolatorja fil-qasam tal-FinTech u l-iżgurar tal-istabbiltà finanzjarja;

28.

Jikkondividi t-tħassib tal-BĊE rigward it-tkabbir rapidu tas-settur finanzjarju mhux bankarju, magħruf ukoll bħala attività kreditizja mhux bankarja; jenfasizza l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni adegwata f'dan il-qasam; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-BĊE jnaqqas ir-riskju sistemiku li jinħoloq minħabba l-għadd dejjem jiżdied ta' entitajiet regolati mhux bankarji raggruppati madwar il-banek għall-aċċess għas-sistema ta' pagamenti tagħhom;

29.

Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex ikompli jsaħħaħ ir-rispons u l-kapaċitajiet ta' rkupru tiegħu fil-każ ta' attakk ċibernetiku fuq l-organizzazzjoni tiegħu stess; jinnota bi tħassib il-problemi tekniċi reċenti tas-sistema ta' saldu TARGET2 f'Ottubru u Novembru 2020; jilqa' l-investigazzjoni sussegwenti ta' dawn il-problemi mill-BĊE u jitlob id-divulgazzjoni tar-riżultati lill-Parlament;

30.

Jirrikonoxxi s-suċċess tal-BĊE fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, kif evidenzjat mis-sehem kontinwament baxx ta' karti tal-flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni totali; jilqa' l-introduzzjoni ta' karti modernizzati tal-EUR 100 u tal-EUR 200 b'karatteristiċi ta' sigurtà mtejba fl-2019; jirrimarka l-importanza tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-BĊE ma jkomplix inaqqas l-ammont ta' karti tal-flus differenti fiċ-ċirkolazzjoni;

31.

Jistieden lill-BĊE jesplora modi kif jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, peress li dan iżid il-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti vis-à-vis potenzi globali oħra u huwa element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea; jinnota li jekk l-euro jsir aktar attraenti bħala munita ta' riżerva dan ikompli jsaħħaħ l-użu internazzjonali tiegħu; jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja Ewropea; jilqa' t-talbiet ripetuti tal-BĊE għall-ikkompletar tal-unjoni bankarja; jenfasizza li l-ħolqien ta' assi Ewropew sikur imfassal tajjeb jista' jiffaċilita l-integrazzjoni finanzjarja u jgħin biex jittaffew iċ-ċrieki vizzjużi bejn is-sovrani u s-setturi bankarji domestiċi;

32.

Jilqa' d-dħul tal-Bulgarija u tal-Kroazja fl-ERM II f'Lulju 2020; jappoġġja terminu ta' żmien rapidu għall-adozzjoni tal-euro fiż-żewġ pajjiżi; jilqa' l-iskrinjar komprensiv tal-banek Kroati u Bulgari mill-BĊE f'Lulju u Awwissu 2019; jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, ħlief id-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht;

33.

Jistieden lill-BĊE jkompli l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro;

Akkontabbiltà

34.

Jingħaqad mal-President Lagarde fl-appell tagħha għal djalogu akbar u jenfasizza l-ħtieġa tat-tisħiħ ulterjuri tal-arranġamenti ta' akkontabbiltà u trasparenza tal-BĊE; jenfasizza l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar kif jista' jissaħħaħ l-iskrutinju tal-BĊE permezz tal-Parlament Ewropew kif ukoll permezz tad-djalogu mal-parlamenti nazzjonali; jitlob li jiġi nnegozjat ftehim interistituzzjonali formali biex il-prattiki ta' akkontabbiltà eżistenti rigward funzjonijiet monetarji jiġu formalizzati u mtejba;

35.

Jesprimi tħassib kbir li 2 biss mill-25 Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma nisa, minkejja talbiet ripetuti mill-Parlament u minn persuni li jokkupaw kariga għolja fil-BĊE, fosthom il-President tiegħu Christine Lagarde, biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE; jenfasizza li n-nomini tal-Membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa, bi trasparenza sħiħa u mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; jistieden lill-Kunsill ifassal lista ristretta b'bilanċ bejn il-ġeneri għal kwalunkwe post vakanti futur u jikkondividiha mal-Parlament, biex b'hekk il-Parlament ikun jista' jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; jiddispjaċih li s'issa ma sar l-ebda progress sodisfaċenti; ifakkar li t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa huwa prinċipju kostituzzjonali li jrid jiġi rrispettat b'mod strett;

36.

Ifakkar li tnejn biss mis-sitt Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE huma nisa; jirrimarka li minkejja d-diversi talbiet li għamel il-Parlament lill-Kunsill biex jirrimedja n-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fil-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, il-Kunsill ma ħax din it-talba bis-serjetà; ifakkar fl-impenn tal-Parlament li ma jikkunsidrax listi ta' kandidati li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jaħdmu attivament favur bilanċ bejn is-sessi fi kwalunkwe proposta ta' listi mqassra u ħatriet;

37.

Jilqa' l-feedback dettaljat, taqsima b'taqsima u sostanzjali mogħti mill-BĊE għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għas-sena 2018; jistieden lill-BĊE jkompli dan l-impenn favur l-akkontabbiltà u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;

38.

Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża tal-5 ta' Mejju 2020 dwar il-BĊE, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-istess ġurnata; jirrikonoxxi l-valutazzjoni kontinwa tal-proporzjonalità tal-programmi kollha min-naħa tal-BĊE; jinnota d-deċiżjoni sussegwenti tal-BĊE li jiżvela dokumenti mhux pubbliċi relatati mal-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) lill-Parlament Ewropew, lill-Gvern Federali Ġermaniż, lill-Bundestag u lill-Bundesbank;

39.

Jirrikonoxxi, u jifraħ lill-BĊE u lill-President Lagarde għall-isforzi kontinwi favur it-tisħiħ tal-komunikazzjoni u t-trasparenza mal-Parlament; Jaqbel, barra minn hekk, mal-President Lagarde li l-BĊE għandu jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu maċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politiki tiegħu; jissuġġerixxi, min-naħa l-oħra, djalogu regolari bil-magħluq bejn il-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament u r-rappreżentanti rilevanti tal-BĊE b'segwitu għall-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport disponibbli tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv biex jiġu vvalutati d-deċiżjonijiet tal-BĊE qabel id-djalogi monetarji u b'mod parallel magħhom;

40.

Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE għal każijiet ta' kunflitti ta' interess u impjieg bi ħlas wara l-mandat minn membri tal-Bord Eżekuttiv, tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju tal-BĊE; jistieden lill-BĊE jiżgura l-indipendenza tal-membri tal-Kumitat tal-Awditjar Intern tiegħu, jiżgura li l-Kumitat tal-Etika ma jkunx presedut minn ex President jew membri preċedenti oħra tal-Kunsill Governattiv, jew minn xi ħadd li jista' jkollu kunflitt ta' interess, u jirreplika din it-trasparenza fir-rigward tal-kunflitti ta' interess potenzjali u l-impjieg bi ħlas wara l-mandat;

41.

Jinnota li l-BĊE qed “jirrevedi” l-politika tiegħu li jippermetti lill-Ekonomista Prinċipali jagħmel telefonati privati ma' investituri ewlenin wara laqgħat fejn jittieħdu deċiżjonijiet ta' natura politika, iżda jqis li din il-prattika għandha tintemm immedjatament għax hija nieqsa mit-trasparenza;

42.

Jirrinforza l-appell tiegħu għall-adozzjoni ta' politika msaħħa dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u reviżjoni tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE allinjata, bħala minimu, mal-istandards u l-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni tal-informaturi (4), sabiex l-informaturi jiġu kemm protetti kif ukoll megħjuna jqajmu t-tħassib tagħhom b'mod kunfidenti mingħajr biża' ta' ritaljazzjoni, inkluż billi tiġi pprovduta l-anonimità fejn ikun meħtieġ;

43.

Jitlob divulgazzjoni aktar dettaljata kemm tal-kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati kif ukoll tal-affarijiet ta' governanza f'konformità mad-Direttiva 2014/95/UE dwar ir-rapportar mhux finanzjarju (5);

o

o o

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2019)0325.

(2)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.

(3)  Ara: “Persistent low inflation in the euro area: Mismeasurement rather than a cause for concern?” (Inflazzjoni baxxa persistenti fiż-żona tal-euro: żball fil-kejl jew kawża ta' tħassib?) https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2018/614214/IPOL_IDA(2018)614214_EN.pdf).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(5)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar. (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/11


P9_TA(2021)0040

Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Ekonomija Ċirkolari (2020/2077(INI))

(2021/C 465/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari: Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva” (COM(2020)0098), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal “Leading the way to a global circular economy: state of play and outlook” (Inwittu t-triq għal ekonomija ċirkolari globali: is-sitwazzjoni attwali u l-perspettivi) (SWD(2020)0100),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), inkluż l-SDG 12 “Konsum u produzzjoni responsabbli” u l-SDG 15 “Il-ħajja fuq l-art”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità (COM(2020)0667) (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra r-rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-IPBES ta' Mejju 2019,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2018 bit-titolu “Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent” (COM(2018)0673),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari (COM(2018)0028),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija (8),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (9),

wara li kkunsidra l-proposta għat-Tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali ppreżentata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2020, b'mod partikolari l-għan prijoritarju li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari stabbilit fl-Artikolu 2(2)(c) tal-proposta,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel, u l-flussi tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-ekosistemi terrestri, u dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel, u r-rapport speċjali tal-IPCC ''It-Tisħin Globali ta' 1.5 oC'', il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu ta' Settembru 2018,

wara li kkunsidra l-ewwel Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari mniedi fl-2015 (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” (COM(2015)0614)) u l-azzjonijiet meħuda fl-ambitu ta' dak il-pjan,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tas-Sustanzi Kimiċi (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (14),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (15) (“Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss”),

wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tal-UE, adottata fl-2018: id-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (16) (“Direttiva Qafas dwar l-Iskart”); id-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (17) (“Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ”); id-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'landfills (18) (“Direttiva dwar il-Landfills”); u d-Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (19),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (20) (“ir-Regolament CLP”),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017 dwar ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari (COM(2017)0034),

wara li kkunsidra l-Perspettiva Globali dwar ir-Riżorsi 2019 (21), u r-rapporti dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi u t-Tibdil fil-Klima (22) tal-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni ta' Science “Evaluating scenarios toward zero plastic pollution” (Nevalwaw ix-xenarji lejn tniġġis żero mill-plastik) (23),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0008/2021),

A.

billi fir-rapport tiegħu “Global Resources Outlook 2019” (Il-Perspettiva Globali dwar ir-Riżorsi 2019), il-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi jistma li nofs l-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra u aktar minn 90 % tat-telfien tal-bijodiversità u l-istress idriku jirriżultaw mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi; billi l-ekonomija globali tuża riżorsi daqs pjaneta u nofs, u billi issa diġà jkunu meħtieġa 3 pjaneti li kieku kulħadd jikkonsma bir-rata tar-resident medju tal-UE, u billi tnaqqis sinifikanti fl-użu globali tagħna ta' riżorsi naturali u fil-produzzjoni tal-iskart tagħna għandu jkun l-objettiv ġenerali tal-ekonomija ċirkolari; billi dan se jirrikjedi separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, filwaqt li titqies id-distinzjoni bejn diżakkoppjament assolut u diżakkoppjament relattiv;

B.

billi dawn iċ-ċifri juru r-rwol ċentrali tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, b'mod partikolari tal-materja prima ewlenija u l-ħtieġa li jiżdiedu l-azzjonijiet fil-livelli kollha u madwar id-dinja; billi l-kunċett ta' ekonomija ċirkolari fin-natura tiegħu huwa orizzontali u se jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-ilħuq ta' objettivi ambjentali oħra inklużi l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

C.

billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari għandha rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) tal-UE u fil-kisba tal-mira klimatika tal-UE għall-2030 u l-objettiv ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra netti żero sa mhux aktar tard mill-2050, u tirrikjedi trasformazzjoni profonda tal-ktajjen tal-valur fl-ekonomija kollha;

D.

billi bidla lejn ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li tippromwovi prattiki kummerċjali sostenibbli u billi l-kumpaniji u l-ekonomiji Ewropej huma mistennija li jkunu fuq quddiem nett ta’ dawk li jimplimentaw, iżda wkoll li jibbenefikaw minn, f'tellieqa globali lejn iċ-ċirkolarità, minħabba l-mudelli kummerċjali żviluppati sew tal-UE, l-għarfien ċirkolari tagħna u l-għarfien espert dwar ir-riċiklaġġ;

E.

billi l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu l-element ewlieni ta' kwalunkwe politika industrijali Ewropea u nazzjonali, u tal-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Istati Membri fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

F.

billi l-konsum ġenerali tal-enerġija fl-UE huwa sinifikanti u l-azzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandha tinvolvi wkoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-provvista sostenibbli tas-sorsi tal-enerġija;

G.

billi l-ekonomija ċirkolari hija rilevanti għal diversi SDGs fosthom l-Għan 12 “L-iżgurar ta' tendenzi ta' konsum u produzzjoni sostenibbli” kif ukoll l-Għan 13 dwar “Azzjoni klimatika”;

H.

billi l-eliminazzjoni tal-iskart u t-tniġġis tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari;

I.

billi skont studji reċenti, l-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li żżid il-PDG tal-UE b'0,5 % oħra u toħloq aktar minn 700 000 impjieg ġdid sal-2030 (24), filwaqt li għandha wkoll il-potenzjal li ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi; billi bejn l-2012 u l-2018, l-għadd ta' impjiegi marbuta mal-ekonomija ċirkolari fl-UE kiber b'5 % biex laħaq madwar 4 miljuni; billi b'politiki ta' sostenn u b'investiment fl-industrija, l-aspettattivi huma li sal-2030 il-manifattura mill-ġdid tal-UE tkun tista' tilħaq valur annwali ta' bejn EUR 70 biljun u EUR 100 biljun bl-impjiegi assoċjati jkunu bejn 450 000 u kważi 600 000;

J.

billi l-provvista sostenibbli u responsabbli ta' materja prima ewlenija hija kruċjali biex tinkiseb effiċjenza fir-riżorsi u jintlaħqu l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari; billi għalhekk jeħtieġ li jiġu żviluppati standards ta' provvista sostenibbli għall-materjali u l-prodotti bażiċi ta' prijorità;

K.

billi sa 80 % tal-impatti ambjentali tal-prodotti huma ddeterminati matul il-fażi tad-disinn u 12 % biss tal-materjali użati mill-industrija tal-UE jiġu mir-riċiklaġġ;

L.

billi ż-żieda mgħaġġla fil-kummerċ elettroniku żiedet b'mod sinifikanti l-iskart mill-imballaġġ, bħall-plastik li jintuża darba biss u l-iskart tal-kartun; u billi l-vjeġġi ta' skart lejn pajjiżi terzi għadhom kwistjoni ta' tħassib;

M.

billi huwa stmat li 88 miljun tunnellata ta' skart tal-ikel huwa ġġenerat fl-UE kull sena u billi huwa stmat li aktar minn nofs l-ikel mormi jirriżulta mill-unitajiet domestiċi u l-livell tal-konsumatur; billi l-iskart tal-ikel għandu impatt ambjentali konsiderevoli, li jammonta għal 6 % tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE;

N.

billi l-plastiks joħolqu tħassib ambjentali jekk ma jkunux ġestiti kif suppost, bħall-iskart, id-diffikultà tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, is-sustanzi ta' tħassib, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u l-użu tar-riżorsi;

O.

billi l-ECHA adottat opinjoni xjentifika biex tillimita l-użu tal-mikroplastiċi li jiġu miżjuda intenzjonalment mal-prodotti fis-suq tal-UE/ŻEE, f'konċentrazzjonijiet ta' aktar minn 0,01 % skont il-piż;

P.

billi skont l-istimi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), bejn l-1996 u l-2012, l-ammont ta' ħwejjeġ li nxtraw għal kull persuna fl-UE żdied b'40 %, filwaqt li fl-istess ħin, aktar minn 30 % tal-ħwejjeġ fil-gwardarobbi fl-Ewropa ma ntużawx għal mill-inqas sena; billi ladarba jintremew, aktar minn nofs il-ħwejjeġ ma jiġux riċiklati, iżda jispiċċaw fi skart domestiku mħallat u sussegwentement jintbagħtu fl-inċineraturi jew fil-landfills (25);

Q.

billi għaddew aktar minn sentejn minn meta l-IPCC ippubblika r-Rapport Speċjali tiegħu dwar it-Tisħin Globali ta' 1.5 oC, li ddikjara li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5 oC tirrikjedi bidliet rapidi, estensivi u bla preċedent fl-aspetti kollha tas-soċjetà;

1.   

Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari; jenfasizza l-fatt li l-ekonomija ċirkolari, flimkien mal-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles minn sustanzi tossiċi, hija essenzjali biex jitnaqqsu l-impronti ambjentali globali tal-konsum u l-produzzjoni tal-Ewropa, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti tal-pjaneta, u tiġi rrispettata s-saħħa tal-bnedmin, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata ekonomija kompetittiva u innovattiva; jissottolinja l-kontribut kbir li l-ekonomija ċirkolari tista' tagħti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

2.   

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq l-inizjattivi kollha fl-ambitu tal-Pjan ta' Azzjoni f'konformità mad-dati stipulati fl-Anness tal-Komunikazzjoni u tibbaża kull proposta leġiżlattiva fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva, filwaqt li jissottolinja l-importanza li jitqiesu wkoll l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni;

3.   

Jissottolinja li l-ekonomija ċirkolari tista' tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi l-ġodda kkawżati u enfasizzati mill-kriżi tal-COVID-19 billi ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur fl-UE u fuq livell globali u tnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom, u tagħmel l-ekosistemi industrijali Ewropej aktar reżiljenti u sostenibbli kif ukoll kompetittivi u profitabbli; jinnota li dan se jippromwovi l-awtonomija strateġika tal-UE u jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja li l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' ambjent favorevoli għall-ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Istati Membri jintegraw l-ekonomija ċirkolari fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkurpu u r-reżiljenza;

4.   

Jemmen li ekonomija ċirkolari hija l-mod li bih l-UE u l-kumpaniji Ewropej jistgħu jibqgħu innovattivi u kompetittivi f'suq globali filwaqt li jnaqqsu l-impronti ambjentali tagħhom; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti sabiex jiżdiedu l-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari u tiġi appoġġjata l-innovazzjoni; iqis li l-pjan għall-irkupru ekonomiku tal-UE (Next Generation EU) kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u Orizzont Ewropa għandhom jintużaw biex jiġu stabbiliti u promossi inizjattivi, prattiki, infrastruttura u teknoloġiji marbuta mal-ekonomija ċirkolari;

5.   

Jissottolinja li t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern huwa prekundizzjoni biex tinkiseb ekonomija ċirkolari fl-UE; jisħaq, b'mod partikolari, l-importanza tal-implimentazzjoni xierqa u l-infurzar effettiv tar-regoli eżistenti għal suq uniku sostenibbli li jiffunzjona tajjeb; ifakkar li l-UE hija kemm it-tieni l-akbar setgħa ekonomika tad-dinja kif ukoll l-akbar setgħa kummerċjali tad-dinja; jirrimarka li s-suq uniku huwa għodda b'saħħitha li trid tintuża biex jiġu żviluppati prodotti jew teknoloġiji sostenibbli u ċirkolari li se jsiru l-istandards ta' għada, u għaldaqstant iċ-ċittadini jkunu jistgħu jixtru prodotti affordabbli li jkunu sikuri, tajbin għas-saħħa u li jirrispettaw il-pjaneta;

6.   

Jissottolinja l-ħtieġa ta' diżakkoppjament assolut tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti tal-UE, fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, ibbażati fuq ix-xjenza, għat-tnaqqis fl-użu tal-materja prima ewlenija u l-impatti ambjentali; jitlob li l-miri tal-UE jiġu stabbiliti permezz ta' approċċ ta' estrapolazzjoni biex jiġi żgurat li l-objettivi tal-politika jkunu fi triq kredibbli biex tinkiseb ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, ambjentalment sostenibbli, mingħajr sustanzi tossiċi u kompletament ċirkolari fil-limiti tal-pjaneta sa mhux aktar tard mill-2050;

7.   

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti tal-UE għall-2030 biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-impronti tal-materjali u tal-konsum tal-UE u biex dawn jiġu integrati fil-limiti tal-pjaneta sal-2050, permezz tal-indikaturi li għandhom jiġu adottati sa tmiem l-2021 bħala parti mill-qafas ta' monitoraġġ aġġornat; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq l-eżempji stabbiliti mill-aktar Stati Membri ambizzjużi filwaqt li tqis id-differenzi fil-punti tat-tluq u l-kapaċitajiet bejn l-Istati Membri;

8.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex sal-2021 tintroduċi indikaturi taċ-ċirkolarità armonizzati, komparabbli u unformi, li jkunu jikkonsistu f'indikaturi ta' impronta fuq il-materjali u impronta tal-konsum, kif ukoll għadd ta' subindikaturi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, inklużi s-servizzi tal-ekosistema; dawn l-indikaturi għandhom ikejlu l-konsum tar-riżorsi u l-produttività tar-riżorsi, u jinkludu l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, fil-livelli tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija u jkunu konsistenti mal-valutazzjoni armonizzata taċ-ċiklu tal-ħajja u mal-metodoloġiji tal-kontabbiltà tal-kapital naturali; dawn għandhom jiġu applikati fil-politiki, l-istrumenti finanzjarji u l-inizjattivi regolatorji kollha tal-Unjoni;

9.   

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li taġġorna u tirrieżamina l-qafas ta' monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-qafas ta' monitoraġġ attwali ma jippreżentax sett komprensiv u olistiku ta' indikaturi li jippermettu li jitkejjel id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u l-impatt ambjentali; jenfasizza li l-qafas ta' monitoraġġ għandu jkopri l-indikaturi taċ-ċirkolarità msemmija hawn fuq u anke l-firxa kollha ta' objettivi u azzjonijiet konkreti tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari sabiex jiġi stabbilit strument effettiv li jkejjel iċ-ċirkolarità u l-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi tiegħu b'mod komprensiv;

10.   

Jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' kejl xjentifiku robust biex jinkisbu sinerġiji bejn l-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-kejl tal-impronta tal-karbonju;

11.   

Jenfasizza l-opportunitajiet li jinsabu fl-użu ottimizzat tal-prodotti u s-servizzi, minbarra miżuri li jestendu ċ-ċikli tal-ħajja u l-użu tal-materjali; jisħaq b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, fuq l-opportunitajiet biex is-soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari u d-diġitalizzazzjoni jingħaqdu flimkien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jappoġġjaw mudelli kummerċjali ġodda li jkunu sostenibbli u ċirkolari, bħall-approċċi tal-prodott bħala servizz (PaaS) li jiffrankaw ir-riżorsi u jnaqqsu l-impatti ambjentali filwaqt li jiżguraw protezzjoni għall-konsumaturi, u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita tali approċċi PaaS fl-Inizjattiva l-ġdida dwar il-Prodotti Sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli regolatorji u fiskali bla bżonn u jippromwovu l-iżvilupp ta' infrastrutturi li jippermettu ċ-ċirkolarità u ekonomija diġitali sostenibbli; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni għandha wkoll impatti konsiderevoli fuq il-klima u l-ambjent, bħad-domanda dejjem akbar għall-enerġija, l-estrazzjoni tal-materja prima u l-ġenerazzjoni tal-iskart elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tindirizza dawn l-isfidi billi tistabbilixxi metodoloġija għall-monitoraġġ u l-kwantifikazzjoni tal-impatt ambjentali tat-teknoloġiji, l-istrutturi u s-servizzi diġitali, inklużi ċ-ċentri tad-data, u billi tipproponi miżuri – inklużi, fejn xieraq, miżuri leġiżlattivi – biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tas-soluzzjonijiet diġitali li jqiegħdu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-użu tar-riżorsi u l-istabbiliment ta' ekonomija ċirkolari fiċ-ċentru ta' tranżizzjoni diġitali sostenibbli;

12.   

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-miżuri regolatorji meħtieġa u azzjonijiet oħra li jkunu meħtieġa biex jiġu eliminati l-ostakli amministrattivi u legali lejn ekonomija ċirkolari ta' kondiviżjoni u tas-servizzi u tinċentiva l-iżvilupp tagħha; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni tesplora s-soluzzjonijiet għal sfidi bħal kwistjonijiet ta' responsabbiltà u drittijiet ta' sjieda relatati mal-ekonomija ta' kondiviżjoni u tas-servizzi, filwaqt li tqis il-fatt li ċertezza legali mtejba kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi hija vitali biex ikunu jistgħu jiġu implimentati dawn il-kunċetti; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għall-ekonomija ta' kondiviżjoni u tas-servizzi li tittratta dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li tindirizza wkoll il-kwistjonijiet soċjali;

13.   

Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim aħjar dwar kif it-teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali jistgħu jappoġġjaw ekonomija ċirkolari billi jiġu mħeġġa l-applikazzjonijiet tagħhom fid-disinn, il-mudelli kummerċjali u l-infrastruttura; jirrimarka l-importanza li d-diġitalizzazzjoni tiġi indirizzata bħala xprunatur tal-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-passaporti tal-prodotti jew informazzjoni materjali fil-kuntest ta' “spazju tad-data” madwar l-UE; jisħaq li t-titjib fl-aċċessibbiltà u fil-kondiviżjoni tad-data se jkun essenzjali filwaqt li tiġi żgurata kollaborazzjoni attiva bejn il-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat li l-approċċi ġodda jibqgħu ġusti u inklużivi, u jissalvagwardjaw il-privatezza u s-sigurtà tad-data;

14.   

Jissottolinja l-ħtieġa li jinħolqu inċentivi ekonomiċi u l-ambjent regolatorju t-tajjeb għall-innovazzjoni f'soluzzjonijiet ċirkolari, materjali u mudelli kummerċjali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu eliminati s-sussidji li joħolqu distorsjonijiet fis-suq u s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u jitlob li dan jiġi appoġġjat fl-istrateġija industrijali l-ġdida għall-Ewropa u fl-Istrateġija għall-SMEs; jenfasizza r-rwol speċifiku li dawk li jidħlu l-ewwel, l-SMEs (l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju) u n-negozji ġodda għandhom fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari; jissottolinja li r-riċerka dwar il-materjali, il-proċessi, it-teknoloġiji u l-prodotti sostenibbli, kif ukoll dwar l-espansjoni industrijali tagħhom, tista' tagħti lill-kumpaniji Ewropej vantaġġ kompetittiv fuq livell dinji; jenfasizza li huma meħtieġa politiki fil-livelli tal-UE u nazzjonali biex jappoġġjaw lill-atturi ewlenin fl-ekonomija ċirkolari u fil-mudelli kummerċjali ċirkolari;

15.   

Jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija Ewropea tiġi involuta bħala parti kkonċernata fit-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-miżuri tal-ekonomija ċirkolari biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni industrijali; jitlob li jkun hemm approċċi ta' ċirkolarità fl-industrija, fil-livelli kollha tad-disinn tal-prodotti, l-akkwist tal-materjali, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-prodotti, u l-immaniġġjar tal-iskart, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi stimulat l-iżvilupp ta' swieq ewlenin għal materjali u prodotti industrijali sostenibbli;

16.   

Iħeġġeġ lill-kumpaniji jħejju pjanijiet ta' tranżizzjoni bħala parti mir-rappurtar annwali tagħhom li jiddeskrivu kif u meta għandhom l-intenzjoni li jiksbu n-newtralità klimatika, l-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà;

17.   

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-għażliet li għandhom piżijiet amministrattivi minimi u li jsaħħu l-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi-privati b'rabta mar-Riċerka u l-Iżvilupp li joffru soluzzjonijiet sistemiċi u olistiċi;

18.   

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tas-soluzzjonijiet kollha għat-tneħħija tal-karbonju bbażati fuq in-natura u teknoloġiċi, inkluż il-qbid, il-ħżin u l-użu tal-karbonju (CCSU);

19.   

Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-bijomimika bħala aċċelleratur taċ-ċirkolarità, fil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet bijomimiċi li mid-disinn jimminimizzaw l-użu ta' materjal, enerġija u komposti tossiċi u jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli, riġenerattivi u innovattivi ispirati min-natura applikabbli għal għadd kbir ta' setturi;

20.   

Jitlob livelli ta' persunal u baġit adegwati għas-servizzi tal-Kummissjoni bl-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni; jisħaq li l-allokazzjoni tar-riżorsi trid twieġeb għall-prijoritajiet politiċi kemm attwali kif ukoll fit-tul u għaldaqstant, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jistenna rinfurzar sinifikanti tar-riżorsi umani b'mod partikolari fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent;

Qafas ta' politika għall-prodotti sostenibbli

21.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija lineari “ħu-uża-armi” tinbidel f'ekonomija tassew ċirkolari, ibbażata fuq il-prinċipji li ġejjin: tnaqqis fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi; iż-żamma tal-valur fl-ekonomija; il-prevenzjoni tal-iskart; l-eliminazzjoni tal-iskart u ta' sustanzi li jagħmlu l-ħsara u t-tniġġis; iż-żamma ta' prodotti u materjali fl-użu u fi ċrieki magħluqa; il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; il-promozzjoni tal-benefiċċji għall-konsumatur; u sistemi naturali ta' riġenerazzjoni; dawn l-objettivi għandhom jiggwidaw il-qafas ta' politika ġdid għall-prodotti sostenibbli kif ukoll l-Istrateġija għal Ekonomija Ċirkolari kollha kemm hi, u l-Istrateġija Industrijali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi integrat bis-sħiħ il-ħsieb ta' sistema ċirkolari sostenibbli fl-attivitajiet kollha inklużi l-politiki, il-prodotti, il-proċessi ta' produzzjoni u l-mudelli kummerċjali;

22.

Jissottolinja li prodotti u materjali sostenibbli, ċirkolari, sikuri u mhux tossiċi għandhom isiru n-norma fis-suq tal-UE u mhux l-eċċezzjoni u għandhom jitqiesu bħala l-għażla prestabbilita, li hija attraenti, affordabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha; jilqa' għalhekk il-pjan tal-Kummissjoni li tipproponi inizjattiva leġiżlattiva dwar prodotti sostenibbli biex jiġu stabbiliti prinċipji orizzontali ta' politika għall-prodotti u rekwiżiti vinkolanti dwar il-prodotti li jitqiegħu fis-suq tal-UE;

23.

Japprova bis-sħiħ it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (26) biex jiġu inklużi prodotti mhux relatati mal-enerġija u jiġu stabbiliti prinċipji orizzontali tas-sostenibbiltà u standards speċifiċi għall-prodotti għall-prestazzjoni, id-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, il-possibbiltà ta' tiswija, in-nontossiċità, it-titjib fil-kwalità, ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija fi prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal dan fl-2021; itenni, fl-istess ħin, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tkun ambizzjuża fl-implimentazzjoni tal-ekodisinn għall-prodotti kollha li jużaw l-enerġija li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva attwali dwar l-Ekodisinn, inkluż fir-rigward tal-aspetti ta' ekonomija ċirkolari;

24.

Jisħaq fuq l-importanza li jinżamm qafas leġiżlattiv koerenti u ċar tal-UE għal prodotti sostenibbli u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji ma' politiki oħra inkluża l-Ekotikketta tal-UE; jissottolinja li, b'mod parallel mal-istandards minimi legali għad-disinn tal-prodotti, huwa importanti li jiġu pprovduti inċentivi tas-suq għall-aktar kumpaniji sostenibbli u prodotti u materjali sostenibbli;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti dwar l-impronta materjali u ambjentali għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott għal kull kategorija ta' prodotti li titqiegħed fis-suq tal-UE, inklużi s-semiprodotti bl-aktar użu intensiv ta' karbonju; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti speċifiċi għall-prodott u/jew speċifiċi għas-settur għall-kontenut irriċiklat, filwaqt li tiżgura l-prestazzjoni u s-sikurezza tal-prodotti kkonċernati u li huma ddisinjati għar-riċiklaġġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet teknoloġiċi, regolatorji u tas-suq ta' appoġġ biex jintlaħqu dawn l-objettivi u tqis il-bidliet industrijali meħtieġa u ċ-ċikli ta' investiment f'kull settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tqis rekwiżiti obbligatorji biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-servizzi;

26.

Jappoġġja l-pjan li jiġu introdotti passaporti diġitali tal-prodotti sabiex il-kumpaniji, il-konsumaturi u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiġu megħjuna jżommu rendikont tal-impatti klimatiċi, ambjentali, soċjali u impatti oħra ta' prodott tul il-katina tal-valur u tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli, trasparenti u faċilment aċċessibbli dwar id-durabbiltà tal-prodott u l-possibbiltajiet tiegħu ta' manutenzjoni, użu mill-ġdid, tiswija u żarmar u trattament fi tmiem il-ħajja tal-prodott kif ukoll il-kompożizzjoni tiegħu f'termini ta' materjali u sustanzi kimiċi użati u l-impatti ambjentali u impatti oħra tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet għal tikketta f'dan ir-rigward; iqis li l-passaporti tal-prodotti għandhom jiġu introdotti b'tali mod li jevita piż regolatorju bla bżonn għall-kumpaniji b'mod partikolari l-SMEs; jemmen li għandhom ikunu kompatibbli ma' għodod diġitali oħra, bħall-Passaport ta' Rinnovazzjoni tal-Bini li jmiss u l-bażi tad-data tas-SCIP;

27.

Jissottolinja l-importanza ewlenija li jinkisbu ċikli ta' materjal mhux tossiku u restorattiv għas-suċċess tal-ekonomija ċirkolari u għall-ħolqien ta' suq uniku sostenibbli, u fl-aħħar mill-aħħar biex jiġi żgurat ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi għaċ-ċittadini tal-Ewropa; itenni għalhekk il-pożizzjonijiet meħuda fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Strateġija għas-Sostenibbiltà fir-rigward tad-Sustanzi Kimiċi u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart, u jinsisti fuq azzjonijiet rapidi biex tiġi implimentata l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità;

28.

Jenfasizza d-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni aktar preċiża, armonizzata u eżatta dwar l-impatti ambjentali u klimatiċi tal-prodotti u s-servizzi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inkluż f'termini ta' durabbiltà u ta' possibbiltà ta' tiswija, u jitlob miżuri kontra l-greenwashing u l-asserzjonijiet ambjentali foloz relatati mal-prodotti offruti kemm online kif ukoll offline; jappoġġja bil-qawwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfassal proposti biex tirregola l-użu ta' asserzjonijiet ekoloġiċi permezz tal-istabbiliment ta' metodi ta' kalkolu solidi u armonizzati li jkopru l-katina tal-valur kollha, ibbażati fuq indikaturi armonizzati u valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja bħall-impronti ambjentali, inkluż fir-rigward tal-prevenzjoni tal-iskart, l-użu tal-materja prima, l-evitar ta' sustanzi li jagħmlu l-ħsara, id-durabbiltà u l-lonġevità tal-prodott kif ukoll id-disinn biex ikun jista' jissewwa u jiġi riċiklat; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi infurzata d-Direttiva 2005/29/KE (27) li ġiet emendata reċentement permezz ta' miżuri proattivi li jindirizzaw it-talbiet ekoloġiċi;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' għodod diġitali għall-informazzjoni tal-konsumatur sabiex il-konsumatur jingħata s-setgħa fl-era diġitali; jisħaq fuq l-importanza tal-pjattaformi u s-swieq online għall-promozzjoni ta' prodotti u servizzi sostenibbli u jinnota li dawn jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni aktar ċara u tinftiehem faċilment dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti li joffru;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Ekotikketta tal-UE tissaħħaħ bħala parametru referenzjarju għas-sostenibbiltà ambjentali, billi jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tas-suq u tal-konsumatur, jiġu stabbiliti standards komprensivi u l-iskema tkompli tiġi estiża għal prodotti rilevanti u l-użu tagħha jiġi ffaċilitat fl-akkwist;

31.

Jappoġġja l-inizjattivi ppjanati biex jittejbu d-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti skont il-prinċipju tal-prevenzjoni tal-iskart fil-ġerarkija tal-iskart filwaqt li jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur kemm fis-suq min-negozju għall-konsumatur kif ukoll fis-suq minn negozju għal negozju; jilqa' għalhekk bis-sħiħ l-inizjattivi ppjanati biex jiġi stabbilit “dritt għat-tiswija” ġdid, li għandu jkopri mill-inqas iċ-ċiklu tal-ħajja estiż tal-prodotti, l-aċċess għall-parts tal-bdil u għal informazzjoni komprensiva u għal servizzi ta' tiswija bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi;

32.

Jitlob, f'dan il-kuntest, miżuri biex jiġi pprovdut aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni meħtieġa dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-parts tal-bdil u l-aġġornamenti tas-software, lill-parteċipanti kollha tas-suq, filwaqt li jitqiesu l-imperattivi tas-sikurezza tal-konsumatur u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943 (28), kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess għal parts tal-bdil mingħajr xkiel inġust għall-atturi kollha tas-settur tat-tiswija, inklużi l-konsumaturi u s-sewwejja indipendenti, biex jiġu ddefiniti perjodi minimi obbligatorji ta' żmien għad-disponibbiltà tal-parts tal-bdil u/jew aġġornamenti u limiti ta' żmien massimi għal firxa estiża ta' kategoriji ta' prodotti li jqisu l-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'segwitu għal valutazzjoni tal-impatt, u biex jiġi vvalutat kif it-tiswija tista' tiġi mħeġġa skont ir-reġim ta' garanzija legali; jisħaq li l-bejjiegħa għandhom jinfurmaw lill-parteċipanti kollha fis-suq dwar il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti tagħhom;

33.

Jitlob, sabiex jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-konsumaturi, tikkettar armonizzat ċar u li jinftiehem faċilment, li jista' jieħu l-forma ta' indiċi, dwar id-durabbiltà tal-prodott (jiġifieri dwar it-tul tal-ħajja stmat ta' prodott) u l-possibbiltà ta' tiswija, u l-iżvilupp ta' punteġġ uniformi rigward it-tiswija u l-introduzzjoni ta' miters tal-użu għal ċerti kategoriji ta' prodotti; jitlob rekwiżiti minimi ta' informazzjoni skont id-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE (29); jitlob lill-Kummissjoni tqis, meta tkun qed tħejji r-rieżami tagħha tad-Direttiva (UE) 2019/771 (30), li testendi kemm id-drittijiet ta' garanzija legali kif ukoll ir-regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi għal xi kategoriji ta' prodotti li għandhom ħajja stmata ogħla, u tintroduċi responsabbiltà diretta tal-produttur;

34.

Jitlob miżuri leġiżlattivi biex jitwaqqfu l-prattiki li jirriżultaw f'obsolexxenza ppjanata, anke billi jitqies li tali prattiki jiġu miżjuda fil-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE;

35.

Jilqa' l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tintroduċi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-qerda ta' oġġetti durabbli mhux mibjugħa sakemm ma jkunux ta' theddida għas-sikurezza jew is-saħħa; jissottolinja li r-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid u r-ridistribuzzjoni ta' oġġetti mhux tal-ikel għandhom ikunu n-norma u jiġu infurzati b'leġiżlazzjoni;

36.

Jisottolinja l-ħtieġa li tingħata spinta lis-suq intern għal prodotti sostenibbli u jemmen li s-settur pubbliku għandu jwitti t-triq; jinnota li l-awtoritajiet pubbliċi għadhom ta' spiss japplikaw biss il-kriterju tal-irħas prezz bħala l-kriterju tal-għoti meta jagħżlu l-aħjar offerti għal oġġetti, servizzi jew xogħlijiet; jappoġġja l-istabbiliment ta' kriterji u miri minimi obbligatorji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku fil-leġiżlazzjoni settorjali;

37.

Jisħaq fuq ir-rwol tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) biex titħaffef il-bidla lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari, u l-importanza tal-implimentazzjoni tal-APE matul l-irkupru ekonomiku tal-UE;

38.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku ekoloġiku; iqis li prodotti użati mill-ġdid, imsewwija, manifatturati mill-ġdid, irranġati u prodotti u soluzzjonijiet oħra effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jimminimizzaw l-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom ikunu l-għażla prestabbilita fl-akkwist pubbliku kollu, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u jekk dawn ma jkunux ippreferuti, għandu japplika l-prinċipju “ikkonforma jew spjega”; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida biex jiġi appoġġjat l-akkwist korporattiv sostenibbli; jitlob obbligi ta' rapportar għall-Kummissjoni u l-Istati Membri fir-rigward tas-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet ta' akkwist tagħhom, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

39.

Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa kwalità għolja tal-flussi tal-ġbir tal-materjal, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, biex jinżammu materjali bl-ogħla valur tagħhom u biex jinkisbu ċrieki ta' materjali magħluqa nodfa, mhux tossiċi u sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied id-disponibbiltà u tittejjeb il-kwalità tal-materjali riċiklati, filwaqt li ssir enfasi fuq il-kapaċità ta' materjal li jżomm il-proprjetajiet inerenti tiegħu wara r-riċiklaġġ, u l-kapaċità tiegħu li jissostitwixxi materja prima ewlenija f'applikazzjonijiet futuri; jissottolinja f'dan il-kuntest l-ħtieġa li tiġi stimulata kemm iż-żieda fir-riċiklabbiltà fid-disinn tal-prodotti kif ukoll miżuri bħal sistemi separati effettivi ta' ġbir u ta' ritorn tad-depożiti; jitlob li jingħata appoġġ lill-ħolqien ta' faċilitajiet u kapaċitajiet ta' riċiklaġġ, skont il-prinċipju tal-qrubija, fejn dawn ma jeżistux diġà;

40.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' kwalità għolja għall-ġbir, is-separazzjoni u l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali, u jappoġġjaw ir-riċerka fl-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi ġodda li jimminimizzaw l-użu tar-riżorsi u l-ġenerazzjoni tal-iskart residwu, itejbu r-rendiment u l-kwalità ta' materjali sekondarji riċiklabbli u li jistgħu jerġgħu jintużaw, jiddekontaminaw ir-riċiklaturi, u jnaqqsu l-impronta ambjentali ġenerali – inklużi l-impronti tal-enerġija u tal-klima – fir-rigward ta' teknoloġiji oħra; jemmen li r-riċiklaġġ kimiku, meta jissodisfa dawn il-kriterji, għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-għeluq taċ-ċirku tal-materjali f'ċerti flussi ta' skart;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent u l-klima tal-proċessi u l-outputs ta' teknoloġiji ta' riċiklaġġ u ta' rkupru ġodda jiġu evalwati bir-reqqa fil-livell industrijali qabel ma jiġu inċentivati, u tiggarantixxi t-trasparenza matul l-evalwazzjoni;

42.

Iqis li r-riċiklaġġ kimiku jeħtieġ li jissodisfa d-definizzjoni ta' riċiklaġġ skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart biex ikun żgurat li l-ipproċessar mill-ġdid f'materjali u sustanzi li għandhom jintużaw bħala fjuwils ma jitqiesx bħala riċiklaġġ kimiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi konferma legali f'dan ir-rigward;

43.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippermettu l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, bħall-blockchain u l-marki tal-ilma diġitali u jagħmluhom interoperabbli sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari permezz tal-insegwiment, it-traċċar u l-immappjar tal-użu tar-riżorsi u tal-flussi tal-prodott fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja;

44.

Jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-aċċess għall-fondi għal proġetti ta' riċerka u innovazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tidderieġi l-attivitajiet tal-programm Orizzont Ewropa lejn l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni għal:

proċessi u teknoloġiji tar-riċiklaġġ;

l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tal-proċessi industrijali;

materjali, prodotti, proċessi, teknoloġiji u servizzi innovattivi u sostenibbli, kif ukoll l-espansjoni industrijali tagħhom;

il-bijoekonomija, permezz ta' innovazzjoni b'bażi bijoloġika li tinkludi l-iżvilupp ta' materjali u prodotti b'bażi bijoloġika;

satelliti għall-osservazzjoni tad-dinja, peress li dawn jista' jkollhom rwol importanti fil-monitoraġġ tal-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari billi jevalwaw il-pressjoni fuq il-materja prima verġni u l-livelli ta' emissjonijiet;

45.

Jissottolinja r-rwol importanti li inputs rinnovabbli sostenibbli jista' jkollhom fi proċessi ċirkolari lejn id-dekarbonizzazzjoni u kif l-użu tal-enerġija rinnovabbli jista' jsaħħaħ iċ-ċirkolarità taċ-ċikli tal-ħajja ta' prodott filwaqt li t-tranżizzjoni enerġetika tiġi xprunata 'l quddiem;

46.

Jisħaq li leġiżlazzjoni dwar “qafas ta' politika għall-prodotti sostenibbli” għandha tkun sostnuta minn sistema ta' kontabbiltà tal-karbonju u ambjentali robusta u trasparenti li taġixxi bħala katalist għall-investiment fil-prodotti u l-proċessi tal-ekonomija ċirkolari;

47.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' prodott, min-nieqa sal-qabar, u l-impatt tal-akkwisti, il-prodotti nofshom lesti, il-parts tal-bdil u l-prodotti sekondarji tul il-katina tal-valur meta jiġu stabbiliti l-istandards tal-prodotti għall-impatti fuq il-klima u l-ambjent; iqis li dawn iridu jiġu stabbiliti permezz ta' proċess miftuħ, trasparenti, u bbażat fuq ix-xjenza, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' metodoloġiji ta' valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja komuni u ġbir tad-data mtejjeb;

48.

Jisħaq li l-istandardizzazzjoni hija kruċjali għall-implimentazzjoni ta' politika dwar il-prodotti sostenibbli peress li tipprovdi definizzjonijiet, metriċi u testijiet affidabbli għal karatteristiċi bħad-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija;

49.

Jinsisti li l-istandards tal-UE jiġu żviluppati f'waqthom u f'konformità mal-kundizzjonijiet ta' użu reali, filwaqt li jiġu evitati ostakli amministrattivi għall-partijiet ikkonċernati involuti li jwasslu għal dewmien fil-pubblikazzjoni tal-istandards;

50.

Ifakkar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu “Standards Ewropej għas-Seklu 21” u l-ħidma mwettqa fuq l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS); jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni u tadotta azzjonijiet u proġetti ġodda bil-għan li jitjieb il-funzjonament tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni;

51.

Jisħaq li l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mar-rekwiżiti tas-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-prodotti huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-prodotti mqiegħda fis-suq jikkonformaw ma' dawn ir-regoli skont ir-Regolament (UE) 2019/1020 (31); jirrimarka wkoll li għadd kbir ħafna ta' prodotti mixtrija online u importati fl-UE ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tas-sikurezza tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-prodotti jkunu konformi, inklużi l-prodotti mibjugħa online, u jindirizzaw ir-riskji li l-prodotti ffalsifikati joħolqu għas-sikurezza tal-konsumaturi permezz ta' sorveljanza tas-suq imtejba u standards ekwivalenti ta' kontrolli doganali, kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni msaħħa f'dan il-qasam u żieda fil-baġits u r-riżorsi umani; jitlob, għalhekk, sorveljanza aktar effettiva min-naħa tal-UE, permezz tal-istabbiliment ta' regoli armonizzati dwar l-għadd minimu ta' kontrolli u l-frekwenza tagħhom, u billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li timmonitorja u twettaq awditjar tal-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq;

52.

Jissottolinja li l-ftehimiet volontarji wrew li mhumiex effettivi biex tinkiseb soluzzjoni ta' ċċarġjar sostenibbli u komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timplimenta b'urġenza d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/53/UE (32) dwar it-tagħmir tar-radju, u b'mod partikolari, biex tintroduċi ċarġer komuni għall-ismartphones u t-tagħmir elettroniku żgħir u medju kollu biex jiġu żgurati bl-aħjar mod l-istandardizzazzjoni, il-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà tal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar, inkluż l-iċċarġjar mingħajr fili, bħala parti mill-istrateġija globali biex jitnaqqas l-iskart elettroniku; jitlob lill-Kummissjoni tħejji, b'mod f'waqtu, strateġija ta' diżakkoppjament li tiżgura li l-konsumaturi ma jkunux obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' apparati ġodda, biex jingħata lok għal aktar benefiċċji ambjentali, iffrankar tal-ispejjeż u konvenjenza għall-konsumaturi; itenni l-importanza li l-konsumaturi jirċievu, permezz ta' tikkettar armonizzat f'format li jinqara faċilment, informazzjoni affidabbli u rilevanti dwar il-karatteristiċi rilevanti taċ-ċarġers bħalma huma l-interoperabbiltà u l-prestazzjoni tal-iċċarġjar, inkluża l-konformità ma' USB 3.1 jew ogħla, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aktar għażliet konvenjenti, kosteffiċjenti u sostenibbli;

53.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koerenza politika fil-miżuri eżistenti u futuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni u biex tiġi pprovduta ċertezza ekonomika u ta' investiment għat-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi ċirkolari, li se jrawwem ukoll il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza kwalunkwe inkonsistenza jew ostaklu regolatorji eżistenti jew inċertezzi legali li jxekklu l-użu sħiħ ta' ekonomija ċirkolari; jitlob li jkun hemm inċentivi ekonomiċi bħall-ipprezzar tas-CO2, responsabbiltà estiża tal-produttur permezz tal-modulazzjoni ekoloġika tat-tariffi u l-inċentivi fiskali, kif ukoll inċentivi finanzjarji oħra li jippromwovu għażliet sostenibbli tal-konsumatur; jemmen li dawn il-miżuri għandhom, fejn ikun rilevanti, ikunu konformi mal-kriterji tekniċi tal-iskrinjar għall-ekonomija ċirkolari ddefiniti fir-Regolament dwar it-Tassonomija; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-objettivi tal-Ekonomija Ċirkolari fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kollha u jiżguraw li din tkun allinjata bis-sħiħ mal-objettivi u l-miżuri tal-Istrateġija tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mal-ekonomija ċirkolari biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-proċessi ta' produzzjoni u l-mudelli kummerċjali ċirkolari;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: l-elettronika u l-ICT

54.

Jappoġġja l-Inizjattiva tal-Elettronika Ċirkolari, li għandha tindirizza n-nuqqasijiet fid-durabbiltà, id-disinn ċirkolari, il-preżenza ta' sustanzi perikolużi u dannużi, il-kontenut riċiklat, il-possibbiltà ta' tiswija, l-aċċess għall-parts tal-bdil, it-titjib fil-kwalità, il-prevenzjoni, il-ġbir, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart-e; jitlob ukoll li jiġu integrati l-kwistjonijiet marbuta mal-obsolexxenza bikrija, inkluża l-obsolexxenza tal-prodotti kkawżata minn bidliet fis-software; jitlob l-armonizzazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tar-riċiklaġġ għall-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku fl-UE;

55.

Jemmen li l-ġbir tal-iskart elettroniku jrid isir ferm aktar faċli għall-konsumaturi; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tesplora l-għażliet għal skema ta' teħid lura għall-prodotti tal-ICT madwar l-UE kollha u jemmen li skema bħal din għandha tkopri l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' prodotti; jisħaq fuq l-importanza li titfassal tali skema ta' teħid lura, u kwalunkwe mudell ta' ġbir ieħor, b'tali mod li jissalvagwardja l-kapaċità ta' użu mill-ġdid tal-prodotti tal-ICT u jipprovdi lill-operaturi tal-użu mill-ġdid aċċess għal oġġetti li jistgħu jerġgħu jintużaw;

56.

Jissottolinja l-potenzjal tal-miżuri tal-ekodisinn u jfakkar li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija (33) flimkien ipprovdew kważi nofs il-mira tal-iffrankar tal-effiċjenza enerġetika stabbilita mill-UE għall-2020; jissottolinja l-ħtieġa li titlesta malajr il-ħidma eżistenti tal-ekodisinn fir-rigward tal-elettronika u l-ICT, b'mod partikolari għall-ismartphones, it-tablets, il-kompjuters, il-printers (inklużi l-kartriġis), l-istazzjonijiet u s-subsistemi tan-network mobbli u t-tagħmir tan-networking, sabiex jiġu proposti miżuri sa mhux aktar tard mill-2021;

57.

Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' mudelli ta' konsum u produzzjoni aktar sostenibbli għal tagħmir elettroniku u l-ICT u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li tistabbilixxi informazzjoni għall-konsumatur rigward id-distinzjoni bejn aġġornamenti korrettivi u skalabbli u l-impatt tal-karbonju tal-konsum tad-data;

58.

Jitlob li tiġi stabbilita skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja għar-riċiklaturi tal-iskart tal-elettronika biex jiġu ggarantiti rkupru effiċjenti tal-materjal u protezzjoni ambjentali;

59.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva ta' pjan għal diġitalizzazzjoni, ICT u IA ċirkolari u sostenibbli, minbarra l-inizjattiva tal-elettronika ċirkolari;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: il-batteriji u l-vetturi

60.

Jissottolinja l-importanza ta' approċċ strateġiku, ambjentalment sostenibbli u etiku fl-oqfsa leġiżlattivi ġodda għall-batteriji u l-vetturi fil-kuntest tat-tranżizzjoni lejn mobilità b'emissjonijiet żero u grilji tal-elettriku bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabli u l-ħtieġa li jiġi żgurat akkwist sostenibbli u etiku tal-materja prima, inkluża l-materja prima kritika; jitlob li jinħolqu ktajjen tal-valur kompetittivi u reżiljenti għall-produzzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-batteriji fl-UE;

61.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar il-batteriji u l-iskart tal-batteriji, u jqis li l-qafas regolatorju l-ġdid tal-UE għall-batteriji għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej: akkwist sostenibbli, etiku u sikur, l-ekodisinn inklużi miżuri biex jiġu indirizzati l-kontenut riċiklat, is-sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi u dannużi fejn ikun possibbli, il-ġbir separat imtejjeb, l-użu mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni, il-manifattura mill-ġdid, l-għoti ta' skop ġdid u r-riċiklaġġ – inklużi miri ogħla ta' riċiklaġġ, l-irkupru ta' materjali ta' valur, ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, u l-informazzjoni lill-konsumatur; il-qafas għandu jindirizza l-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ, b'dispożizzjonijiet apposta dwar il-batteriji relatati mal-mobbiltà u l-ħżin tal-enerġija;

62.

Huwa mħasseb dwar id-dipendenza qawwija tal-UE mill-importazzjonijiet ta' materja prima għall-produzzjoni tal-batteriji; huwa konvint li skemi tar-riċiklaġġ imsaħħa għall-batteriji jistgħu jipproduċu sehem sinifikanti tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tal-batteriji fl-UE;

63.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-industrija tal-minerali, b'mod partikolari fl-industrija tal-kobalt; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet għal qafas leġiżlattiv vijabbli biex tiżgura l-akkwist etiku tal-materjali u l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni obbligatorja ta' diliġenza dovuta biex tindirizza l-effetti negattivi fuq l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem f'kuntest internazzjonali;

64.

Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tirrieżamina d-Direttiva dwar il-Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw (34); jistieden lill-Kummissjoni taġġorna dik id-direttiva biex jiġu riflessi u rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, inklużi l-eliminazzjoni tal-iskart, it-titjib fil-kwalità, il-modularità, il-possibbiltà ta' tiswija, il-kapaċità ta' użu mill-ġdid, u r-riċiklabbiltà tal-materjali fl-ogħla livell tal-valur, filwaqt li l-ewwel prijorità tingħata lill-użu mill-ġdid: jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tiżgura ktajjen tal-użu mill-ġdid effettivi, mal-manifatturi tal-karozzi u bi skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rapportar tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw, permezz ta' bażi tad-data Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika, issaħħaħ u tissorvelja l-prinċipju li ż-żarmar tal-karozzi u l-użu mill-ġdid tal-parts iridu dejjem jiġu qabel l-iskrappjar u t-tqattigħ tal-karozzi;

65.

Jissottolinja l-ħtieġa tal-promozzjoni ulterjuri tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-proċessi u t-teknoloġiji ta' riċiklaġġ fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa sabiex jiżdied il-potenzjal ta' ekonomija ċirkolari tal-batteriji; jirrikonoxxi r-rwol tal-SMEs fis-setturi tal-ġbir u r-riċiklaġġ;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: l-imballaġġ

66.

Itenni l-objettiv li l-imballaġġ kollu jkun jista' jerġa' jintuża jew jiġi riċiklat b'mod ekonomikament vijabbli sal-2030 u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva mingħajr dewmien, inklużi miżuri u miri għat-tnaqqis tal-iskart u rekwiżiti essenzjali ambizzjużi fid-Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ biex jitnaqqas l-imballaġġ eċċessiv, inkluż fil-kummerċ elettroniku, tittejjeb ir-riċiklabbiltà u tiġi minimizzata l-kumplessità tal-imballaġġ, jiżdied il-kontenut riċiklat, jiġu eliminati b'mod gradwali s-sustanzi perikolużi u dannużi, u jiġi promoss l-użu mill-ġdid; jisħaq li s-sikurezza tal-ikel jew l-istandards tal-iġjene ma jridux jiġu kompromessi; jitlob li dawn il-miżuri jimmiraw lejn l-aħjar riżultati ambjentali ġenerali f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart u lejn marka tal-karbonju baxxa;

67.

Filwaqt li jissottolinja r-rwol essenzjali tal-imballaġġ għas-sikurezza tal-prodott, b'mod partikolari s-sikurezza tal-ikel, u l-iġjene, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, filwaqt li jistieden lill-industrija tikkomplementa l-miżuri regolatorji b'azzjonijiet volontarji addizzjonali biex tkompli tevita imballaġġ mhux meħtieġ u tnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont ta' imballaġġ li tqiegħed fis-suq, tiżviluppa soluzzjonijiet ta' imballaġġ aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ċirkolari u li ma jagħmlux ħsara lill-klima bħal formati armonizzati ta' imballaġġ u imballaġġ li jista' jerġa' jintuża u jerġa' jimtela, u tiffaċilita l-użu ta' imballaġġ tat-trasport li jista' jerġa' jintuża; iħeġġeġ inizjattivi bħall-Alleanza għall-Plastiks Ċirkolari u l-Patt Ewropew dwar il-Plastiks;

68.

Itenni li riċiklaġġ ta' kwalità għolja joħloq domanda reali tas-suq għal materjal riċiklat u huwa fost il-fatturi ewlenin fl-isforz biex jiżdied l-ammont totali ta' imballaġġ li jinġabar, jiġi separat u riċiklat, filwaqt li jitlob li jintużaw tagħmir tas-separazzjoni u teknoloġiji tas-separazzjoni moderni u effiċjenti flimkien ma' ekodisinn aħjar tal-imballaġġ, inkluża l-ħtieġa s-soluzzjonijiet tal-imballaġġ jitfasslu mill-ġdid abbażi ta' kriterji tal-LCA mtejba;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza d-diversi tipi ta' imballaġġ użat fil-kummerċ elettroniku biex jiġu ddeterminati l-aħjar prattiki fl-ottimizzazzjoni tal-imballaġġ bil-għan li jitnaqqas l-imballaġġ eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni tapprova l-użu mill-ġdid tal-materjali tal-imballaġġ biex jitwasslu diversi oġġetti bħala alternattiva għal materjali tal-imballaġġ li jintużaw darba biss;

70.

Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li jista' jkollu l-bejgħ bl-ingrossa fit-tnaqqis tal-użu tal-imballaġġ, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu din it-tip ta' miżura filwaqt li jiżguraw is-sikurezza u l-iġjene tal-ikel;

71.

Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-fondi u l-programmi ta' innovazzjoni għat-tnaqqis materjali u l-innovazzjonijiet ta' riċiklaġġ;

72.

Jirrikonoxxi ż-żieda fil-bejgħ online, b'żieda fil-konsenji ta' pakketti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura li l-bejjiegħa online kollha, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu, jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali u jirrapportaw u jikkontribwixxu b'mod finanzjarju għas-sistemi tal-EPR fl-Istati Membri tal-UE fejn il-prodotti jitqiegħdu fis-suq;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-ġbir separat u s-separazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ kif stipulat fid-Direttiva (UE) 2018/852 u tiżgura t-traspożizzjoni fil-ħin tagħha mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tirrevedi s-sistemi ta' identifikazzjoni għall-materjali tal-imballaġġ (id-Deċiżjoni 97/129/KE (35)) biex jiġi ffaċilitat il-ġbir separat għaċ-ċittadini skont ir-riċiklabbiltà tal-imballaġġ;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tesplora l-potenzjali għal skemi ta' kapparra u ritorn nazzjonali kompatibbli biex tintlaħaq ir-rata ta' ġbir meħtieġa ta' 90 % tal-kontenituri tax-xorb tal-plastik u bħala pass lejn l-istabbiliment ta' suq uniku għall-imballaġġ, speċjalment għall-Istati Membri ġirien; skemi kompatibbli jistgħu jinkisbu permezz ta' serjalizzazzjoni u tikkettar kodifikat u unifikat; jekk Stat Membru ma jkollux skema stabbilita jew ikun beħsiebu jfassal mill-ġdid l-iskema tiegħu, dan għandu jiġi mħeġġeġ jagħżel, permezz tal-aħjar prattiki u evidenza xjentifika rilevanti, skema li tkun simili għal dawk ta' Stati Membri oħra jew li tkun kompatibbli magħhom;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: il-plastik

75.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-implimentazzjoni tagħha tal-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari, b'mod partikolari biex tixpruna disinn aħjar, mudelli kummerċjali ċirkolari u prodotti innovattivi u approċċi ta' prodott bħala servizz li joffru mudelli ta' konsum aktar sostenibbli;

76.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-plastiks, inklużi l-mikroplastiċi, b'mod komprensiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta eliminazzjoni gradwali ġenerali tal-mikroplastiċi li jiġu miżjuda intenzjonalment u tnaqqas, permezz ta' miżuri regolatorji obbligatorji, ir-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi kollha fis-sors, inkluż pereżempju mit-tajers, it-tessuti, it-turf artifiċjali u matul il-produzzjoni tal-pellets tal-plastik; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eliminati d-diskrepanzi fl-għarfien xjentifiku dwar il-mikroplastiċi u n-nanoplastiċi u li jitrawwem l-iżvilupp ta' alternattivi aktar sikuri u swieq kompetittivi bi prodotti mingħajr mikroplastiċi; jinsisti fl-istess ħin fuq l-urġenza li jittieħdu azzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir; jissottolinja li l-akbar sehem tat-tniġġis tal-mikroplastik joriġina mid-degradazzjoni tal-makroplastiċi fl-ambjent u jappoġġja l-fatt li l-prodotti tal-plastik għandhom jiġu mmirati b'miżuri speċifiċi bħal rekwiżiti ta' ekodisinn matul il-fażi tal-produzzjoni biex jiġi evitat ir-rilaxx ta' mikroplastiċi sekondarji fl-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni teżamina s-sorsi, id-distribuzzjoni, id-destin u l-effetti kemm tal-makroplastiċi kif ukoll tal-mikroplastiċi fil-kuntest tat-trattament tal-ilma mormi u tal-ġestjoni tal-ilma tal-maltemp; ifakkar li 80 % tal-iskart fil-baħar joriġina mill-art u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu fir-rigward tal-hotspots tal-iskart fil-baħar fix-xmajjar u fl-estwarji;

77.

Jenfasizza li fejn il-prodotti li jintużaw darba biss jippreżentaw piż sinifikanti fuq l-ambjent u fuq ir-riżorsi, l-użu ta' darba biss għandu jiġi ssostitwit bi prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw meta jkunu jeżistu alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw u/jew li jkunu durabbli, b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, mingħajr ma jiġu kompromessi l-iġjene jew is-sikurezza tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tqis il-miżuri leġiżlattivi, inkluża estensjoni tad-Direttiva dwar il-Plastik li Jintuża Darba Biss fil-kuntest tar-rieżami ta' dik id-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq l-iżvilupp ta' standards għal imballaġġ li jista' jerġa' jintuża u sostituti għal imballaġġ, oġġetti tal-mejda u pożati li jintużaw darba biss;

78.

Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-plastik b'bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli fl-ekonomija ċirkolari, iżda jesprimi kawtela dwar il-fatt li l-plastiks b'bażi bijoloġika u/jew dawk bijodegradabbli waħedhom mhumiex se jipprovdu soluzzjoni għat-tħassib ambjentali relatat mal-plastik, filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-użu xieraq tal-plastiks b'bażi bijoloġika u dawk bijodegradabbli;

79.

Iħeġġeġ li jiġu proposti standards globali ċari tal-materjali, il-prodotti, id-disinn u r-riċiklaġġ;

80.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu qafas ta' trasparenza konsistenti u obbligi ta' rapportar għall-atturi kollha tal-katina tal-valur fil-produzzjoni, il-kummerċ, l-użu u l-ġestjoni fi tmiem il-ħajja tal-plastiks;

81.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa skemi tal-EPR li jżommu lill-produtturi responsabbli għat-tmiem il-ħajja tal-prodotti tal-plastik;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: it-tessuti

82.

Jissottolinja l-importanza ta' strateġija tal-UE komprensiva ġdida għat-tessuti biex jiġu promossi s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità kif ukoll it-traċċabbiltà u t-trasparenza fis-settur tat-tessuti u l-ilbies tal-UE, filwaqt li jitqiesu n-natura globali tal-ktajjen tal-valur u d-dimensjoni tal-“moda mgħaġġla”; jitlob li l-istrateġija tippreżenta sett koerenti ta' strumenti ta' politika u tappoġġja mudelli kummerċjali ġodda biex tiġi indirizzata l-firxa sħiħa ta' impatti ambjentali u soċjali tul il-katina tal-valur u jittejjeb id-disinn tat-tessuti biex jiżdiedu d-durabbiltà, il-kapaċità ta' użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà mekkanika u l-użu ta' fibri ta' kwalità għolja, b'mod partikolari b'taħlita ta' rekwiżiti għat-tip tal-ekodisinn, l-iskemi tar-responsabbiltà tal-produtturi u skemi ta' tikkettar;

83.

Jilqa' l-applikazzjoni tal-qafas ta' politika l-ġdid għall-prodotti dwar it-tessuti u jisħaq li dan irid jagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-iskart, id-durabbiltà, il-kapaċità ta' użu mill-ġdid u l-possibbiltà ta' tiswija kif ukoll l-indirizzar ta' sustanzi kimiċi perikolużi u dannużi f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart; jitlob miżuri fl-istadju tad-disinn u tal-produzzjoni kontra t-telf ta' mikrofibra sintetika, u miżuri oħra bħall-iżvilupp ta' ħasil minn qabel industrijali, preventiv, ikkontrollat u li ma jniġġisx u standards għat-tagħmir ta' magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ ġodda b'filtri tal-mikrofibra; jitlob li jkun hemm kriterji speċifiċi madwar l-UE kollha dwar it-tmiem tal-iskart tat-tessuti;

84.

Jitlob li l-applikazzjoni tal-qafas ta' politika l-ġdid għall-prodotti dwar it-tessuti tkun koerenti ma' strumenti ta' politika oħra, jiġifieri l-proposta li jmiss għal leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu indirizzati fl-istadji kollha tal-katina tal-valur tat-tessuti;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: il-kostruzzjoni u l-binjiet

85.

Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-inizjattiva tal-“Mewġa ta' Rinnovazzjoni” bis-sħiħ f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, filwaqt li titqies id-diversità tas-settur; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti orizzontali u speċifiċi għall-prodott; jisħaq fuq il-potenzjal għall-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-kisbiet ambjentali billi tittawwal il-ħajja tal-bini minflok id-demolizzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tqis li tistabbilixxi miri ta' tnaqqis għall-marka tal-karbonju u l-impronta materjali tal-bini tal-UE u tapplika l-qafas tal-Livell(i) għall-bini sostenibbli bħala qafas vinkolanti għar-rendiment tal-kostruzzjoni; jemmen li jeħtieġ li jiġu inklużi rekwiżiti legali minimi dwar ir-rendiment ambjentali tal-bini sabiex jittejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;

86.

Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li tqis reviżjoni tal-miri għall-irkupru tal-materjal stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni u l-frazzjonijiet speċifiċi għall-materjal tiegħu u jemmen li dan għandu jinkludi mira għall-irkupru tal-materjali għall-ħamrija skavata; jissuġġerixxi li jiġu inklużi miri għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u l-użu ta' materja prima sekondarja fl-applikazzjonijiet tal-kostruzzjoni filwaqt li dawn isiru traċċabbli b'mod aktar faċli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini u jilqa' t-tħabbira ta' Strateġija għal Ambjent Mibni sostenibbli fl-2021; jemmen li l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali fl-ambjent mibni, bħat-traċċar tal-iskart, tippermetti rendiment aħjar tal-bini fl-użu tal-enerġija u ċirkolarità akbar fis-settur tal-kostruzzjoni;

87.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti politiki ta' ppjanar ta' bini ta' kwalità għolja li jiffavorixxu soluzzjonijiet li jippromwovu r-rinnovazzjoni, ir-rikonverżjoni u l-użu kontinwu tal-bini fejn possibbli aktar milli l-kostruzzjonijiet ġodda;

88.

Jenfasizza li, peress li 90 % mill-ambjent mibni sal-2050 diġà jeżisti, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċjali għas-settur tar-rinnovazzjoni sabiex ikun hemm binjiet kompletament modulari, adattabbli għal użi differenti u b'enerġija pożittiva sal-2050; inklużi rinnovazzjonijiet profondi, produzzjoni fuq il-post, u l-kapaċità ta' użu mill-ġdid;

Ktajjen tal-valur tal-prodotti ewlenin: l-ikel, l-ilma u n-nutrijenti

89.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal proposta leġiżlattiva biex timplimenta l-għan li tnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel sal-2030 f'konformitá mal-impenji skont l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u abbażi tad-data rrapportata mill-Istati Membri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-prevenzjoni tat-telf tal-ikel u tal-ħela tal-ikel tul il-katina kollha tal-valur tal-ikel fil-politiki rilevanti tal-UE, kif stipulat fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u jfakkar li dawn il-miżuri għandhom ikunu konformi mal-ġerarkija tal-iskart; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri komprensivi biex jillimitaw b'mod sinifikanti l-ħela tal-ikel u jħeġġu d-donazzjonijiet tal-ikel;

90.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tagħlaq iċ-ċirku tan-nutrijenti agrikolu, tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet ta' proteini veġetali għall-għalf tal-annimali u żżid l-użu tad-demel tal-annimali riċiklat u nutrijenti organiċi oħra, bħall-kompost u d-diġestat, minflok il-fertilizzant sintetiku filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent u l-ekosistemi;

91.

Jitlob li tinħoloq ekonomija ċirkolari bbażata fuq qafas regolatorju ambjentalment sod biex jiġu evitati effetti tossiċi negattivi possibbli fuq l-ekosistemi akkwatiċi; jilqa' r-Regolament li għadu kif ġie adottat dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (36) u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ ir-rabta bejn l-ilma u l-enerġija fil-politiki Ewropej u jfakkar li l-kwalità u l-aċċess għar-riżorsi tal-ilma jiddependu minn implimentazzjoni tajba tal-kontroll fis-sors u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; jappoġġja approċċ ċirkolari fit-trattamenti u l-ġestjoni tal-ilma mormi bil-għan li jitrawwem l-irkupru tal-ilma urban mormi; jenfasizza li r-riżorsi jistgħu jiġu rkuprati mill-ilma mormi, li jvarja miċ-ċelluloża permezz tal-bijoplastik għan-nutrijenti, l-enerġija u l-ilma, u billi titkompla analiżi tal-għażliet potenzjali ta' użu mill-ġdid filwaqt li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u tal-ilma; jappoġġja r-rieżami ppjanat tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (37); jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tieħu miżuri leġiżlattivi biex tindirizza l-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-ilma;

92.

Jisħaq li ż-żieda fl-aċċess għall-ilma għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea tista' ttejjeb b'mod sinifikanti ċ-ċirkolarità b'anqas dipendenza mill-ilma ppakkjat; jitlob li jiġu implimentati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ilma fid-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb;

93.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-prodotti sostenibbli b'bażi bijoloġika, b'mod partikolari rkupru aħjar tal-bijoskart u l-użu ta' residwi u prodotti sekondarji, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari newtrali fil-karbonju;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġbir separat tal-bijoskart, kif introdott mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, ikollu l-għan li jipproduċi kompost ta' kwalità għolja biex jiġu appoġġjati t-titjib tal-ħamrija, is-sustanzi kimiċi mhux perikolużi u prodotti oħra u enerġija rinnovabbli, meta jkun fattibbli u ta' benefiċċju għall-ambjent;

95.

Jenfasizza l-potenzjal ta' bijoekonomija sostenibbli u settur sostenibbli bbażat fuq il-foresti; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE dwar il-Bijoekonomija u l-Bijodiversità biex tittejjeb iċ-ċirkolarità bis-sostituzzjoni, meta jkun ta' benefiċċju għall-ambjent u sostenibbli – inkluż għall-bijodiversità, filwaqt li titqies id-domanda dejjem akbar għall-bijomaterjali – għall-materjali fossili b'materjali rinnovabbli u b'bażi bijoloġika;

Anqas skart, aktar valur

96.

Jissottolinja l-importanza li tingħata prijorità lill-prevenzjoni tal-iskart f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE, kemm fil-politika dwar il-prodotti kif ukoll fil-politika dwar l-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri vinkolanti għat-tnaqqis ġenerali tal-iskart u għat-tnaqqis tal-iskart fi flussi speċifiċi ta' skart u gruppi ta' prodotti, kif ukoll miri biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart residwu, fir-rieżami tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar il-Landfills previst għall-2024; iqis li l-miri tal-preparazzjoni għal użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom ikunu separati sabiex il-preparazzjoni għal użu mill-ġdid tingħata l-prijorità li għandha fil-ġerarkija tal-iskart;

97.

Jesprimi tħassib dwar l-implimentazzjoni inugwali tal-miri tal-UE għall-iskart fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni effettiva u sħiħa mill-Istati Membri kollha kemm tal-miri attwali tal-iskart kif ukoll tal-pakkett dwar l-Iskart tal-2018, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jittrasponu bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-2018 mingħajr aktar dewmien;

98.

Jemmen li prezzijiet mhux kompetittivi u nuqqas ta' materja prima sekondarja ta' kwalità għolja u ta' swieq għalihom huma fost l-ostakli għal ekonomija ċirkolari; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta miżuri biex tagħmel il-materja prima sekondarja aktar kompetittiva, filwaqt li tikkontribwixxi għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi;

99.

Iqis lis-settur privat bħala sieħeb b'saħħtu biex jiżdiedu d-domanda u l-interess tal-klijenti f'soluzzjonijiet u prodotti ċirkolari, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-kumpaniji li għandhom mudelli kummerċjali, servizzi jew prodotti li jnaqqsu l-iskart u l-użu tar-riżorsi, u jagħmlu użu mis-servizzi tagħhom;

100.

Japprova bis-sħiħ l-ambizzjoni li jiġi stabbilit suq tal-UE li jiffunzjona tajjeb għall-materja prima sekondarja ta' kwalità għolja u mhux tossika – mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u r-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart – u jissottolinja li dan se jirrikjedi standards ta' kwalità komuni; ifakkar li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddefinixxu prodotti sekondarji nazzjonali u kriterji Ewropej armonizzati għat-tmiem tal-iskart għall-flussi tal-iskart ewlenin f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq u jiġi żgurat irkupru tal-iskart ta' kwalità għolja; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma ddefiniet l-ebda kriterju speċifiku tal-UE għall-karta, it-tajers u t-tessuti, kif kien mitlub mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

101.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lir-regoli dwar il-movimenti transfruntiera tal-iskart għall-irkupru bejn l-Istati Membri tal-UE u tikkunsidra li tadattahom sabiex tiżdied iċ-ċarezza u l-komprensibbiltà tagħhom, jitneħħew l-ostakli amministrattivi filwaqt li tinżamm l-effettività tal-leġiżlazzjoni fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u tiġi armonizzata l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri tal-UE, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' sistema elettronika unika tal-UE għar-reġistrazzjoni tal-vjeġġi ta' skart;

102.

Jappoġġja l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni biex tiżgura trattament xieraq taż-żjut użati; jistieden lill-Kummissjoni, kif iddefinit fid-Direttiva 2008/98/KE (38), tippreżenta proposta leġiżlattiva sal-2022 b'miżuri addizzjonali biex tippromwovi r-riġenerazzjoni taż-żjut użati, inkluża l-introduzzjoni ta' miri kwantitattivi;

103.

Ifakkar li l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jiżguraw li, sal-31 ta' Diċembru 2023, il-bijoskart ikun jew separat u riċiklat fis-sors, jew ikun qed jinġabar b'mod separat u ma jitħallatx ma' tipi oħra ta' skart; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti sabiex jittejbu l-ġbir u l-kompostjar tal-iskart organiku;

104.

Ifakkar fil-miri tal-iskart tal-UE u jissottolinja li l-UE u l-Istati Membri jridu jsaħħu l-prevenzjoni u t-tħejjija għal użu mill-ġdid, iżidu r-riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u jitbiegħdu mis-sistema tar-rimi f'landfill, filwaqt li jimminimizzaw l-inċinerazzjoni tal-iskart, f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi approċċ komuni għall-UE kollha għall-immaniġġjar ta' skart muniċipali residwu li ma jistax jiġi riċiklat biex jiġi żgurat l-aħjar trattament tiegħu u biex tiġi evitata l-kapaċità żejda tal-bini tal-inċinerazzjoni tal-iskart fil-livell tal-UE li tista' tikkawża effetti ta' intrappolament tal-klijentela u xxekkel l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari; iqis li fejn tintuża l-inċinerazzjoni dan għandu jsir fil-faċilitajiet l-aktar avvanzati tal-iskart għall-enerġija b'effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija u b'emissjonijiet baxxi fl-UE;

105.

Jissottolinja li l-ġbir separat tal-iskat huwa prerekwiżit għal riċiklaġġ ta' kwalità għolja u biex jinżammu materjali u prodotti siewja fiċ-ċirku ta' riċiklaġġ; jappoġġja l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri għat-titjib u l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta' ġbir separati eżistenti, li għandhom iqisu l-aħjar prattiki fl-Istati Membri u jqisu l-kundizzjonijiet reġjonali u lokali differenti, u ma għandhomx iħallu impatt negattiv fuq is-sistemi eżistenti li jiffunzjonaw tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

106.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istrateġiji u l-politiki dwar l-iskart jitfasslu abbażi ta' data u metodoloġiji xjentifiċi sodi, filwaqt li jittejbu l-affidabbiltà u l-komparabbiltà tal-istatistika tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tarmonizza aktar l-istatistika dwar l-iskart u tiġbor id-data dwar il-materjali u l-iskart riċiklati fi tliet punti: il-ġbir, il-punt ta' dħul fil-faċilità ta' riċiklaġġ, u s-sehem ta' użu mill-ġdid effettiv tal-materjali riċiklati;

107.

Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' enfasi tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta' Skart f'Terraferma fuq il-prevenzjoni, u jitlob għalhekk li din tiġi allinjata mal-prinċipji komprensivi tas-CEAP u li l-mira ta' rimi f'landfill ta' 10 % tiġi stabbilita fuq sena ta' referenza u kg ta' skart għal kull persuna fis-sena sabiex tiġi evitata d-devjazzjoni mis-sistema tar-rimi f'landfill tal-iskart għall-inċinerazzjoni tal-iskart;

108.

Ifakkar li s-simbjożi industrijali hija element essenzjali biex tinkiseb ekonomija ċirkolari billi jiġu promossi networks interkonnessi fejn l-iskart ta' industrija jsir il-materja prima ta' oħra u l-enerġija u l-materjali jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin fiċ-ċiklu b'mod kontinwu, filwaqt li r-riżorsi jinżammu f'użu produttiv għall-itwal żmien possibbli; jitlob għalhekk li jiżdiedu l-isforzi biex tittejjeb is-simbjożi industrijali fil-livell tal-UE u biex il-katina tal-valur industrijali ssir aktar effiċjenti u aktar kompetittiva;

109.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta' simbjożi industrijali jirrikjedi lit-territorji jifhmu u jimmaniġġjaw aħjar il-flussi tar-riżorsi lokali tagħhom u jwassalhom biex jimplimentaw strateġiji ġodda għall-ġestjoni tat-territorju f'kollaborazzjoni mal-industrija, il-partijiet ikkonċernati, l-amministrazzjoni lokali u ċ-ċittadini, filwaqt li jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikjedu lill-gvernijiet lokali u reġjonali jidentifikaw opportunitajiet ta' simbjożi industrijali permezz ta' mmappjar tal-attivitajiet ekonomiċi u analiżi obbligatorja tal-flussi tar-riżorsi;

110.

Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 8a(1) fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart li fih huwa ddikjarat b'mod ċar li l-Istati Membri huma obbligati jiddefinixxu b'mod preċiż ir-responsabbiltajiet u r-rwoli tal-Organizzazzjonijiet fil-qasam tar-Responsabbiltà tal-Produtturi (PROs);

111.

Jirrakkomanda li l-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur lokali bbażati fuq ir-riċiklaġġ tal-bijoskart għall-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli, bħall-bijometan, jiġi appoġġjat biex jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn il-komunitajiet rurali u dawk urbani filwaqt li tiġi implimentata bis-sħiħ il-ġerarkija tal-iskart;

112.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi ċ-ċirkolarità tal-prodotti u l-intensità fl-użu tar-riżorsi fil-mekkaniżmi ta' aġġustament trasfruntiera;

Nagħmlu ċ-ċirkolarità taħdem għan-nies, ir-reġjuni u l-bliet

113.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti li l-gvernijiet reġjonali, l-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali u l-SMEs għandhom fl-ekonomija ċirkolari, fl-immaniġġjar tal-iskart u fl-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment u l-kooperazzjoni ta' ċentri għaċ-ċirkolarità fir-reġjuni, ir-raggruppamenti industrijali u l-komunitajiet lokali Ewropej kollha fl-ispirtu tal-“Bauhaus Ewropew Ġdid” propost, filwaqt li jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ta' mudelli ċirkolari fid-disinn, l-akkwist u l-immaniġġjar tal-iskart;

114.

Jappoġġja l-idea li tiġi aġġornata l-Aġenda għall-Ħiliet għall-ekonomija ċirkolari u jistieden lill-Kummissjoni tfassal apposta din l-Aġenda għal ħtiġijiet speċifiċi tal-impjiegi, inklużi rekwiżiti għall-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll impjiegi ġodda meħtieġa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari jkun marbut mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali u l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiżgura tranżizzjoni ġusta; jisħaq ukoll fuq ir-rwol kruċjali tas-sħab soċjali fl-aspetti relatati max-xogħol u soċjali tal-bidla lejn ekonomija ċirkolari;

115.

Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-konsumaturi fil-prevenzjoni tal-iskart u fl-immaniġġjar tal-iskart u l-ħtieġa li jkun iffaċilitat l-involviment taċ-ċittadini fil-ġbir separat tal-iskart; itenni l-importanza li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-konsum sostenibbli, inklużi mudelli ta' konsum ibbażati fuq l-użu mill-ġdid, il-kiri jew il-qsim, u dwar il-prevenzjoni tal-iskart u s-separazzjoni u r-rimi effiċjenti tal-iskart;

116.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari jkunu inkorporati fil-prattiki kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-isforzi differenti tal-ekonomija ċirkolari fil-livell reġjonali u lokali fl-UE;

117.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn il-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali, is-settur akkademiku u n-negozji, inklużi kemm il-produtturi kif ukoll ix-xerrejja, sabiex jiġu stimulati u jiżdiedu l-azzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-importanza li din il-kooperazzjoni tiġi estiża għal partijiet ikkonċernati oħra, bħall-intrapriżi soċjali, in-negozji ġodda u l-NGOs;

118.

Jinnota li s-settur tas-servizzi tat-tiswija u l-manutenzjoni għandu potenzjal konsiderevoli biex jiġġenera opportunitajiet ta' impjiegi, u l-iżvilupp tiegħu jrid jiġi appoġġjat u promoss, b'mod partikolari l-inizjattivi lokali, fil-livell taċ-ċittadini u komunitarji għat-tiswija, il-kooperattivi u l-intrapriżi soċjali;

119.

Jissottolinja r-rwol ambjentalment sikur li Ġbir, Użu u Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS/U) jista' jkollu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja kuntest ta' politika integrat biex tiġi stimulata l-adozzjoni ta' applikazzjonijiet tas-CCS/U ambjentalment sikuri li jirriżultaw fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra biex l-industrija peżanti ssir newtrali għall-klima fejn mhuma disponibbli l-ebda possibilitajiet ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet (39); jafferma, madankollu, li l-istrateġija ta' emissjonijiet netti żero tal-UE għandha tipprijoritizza t-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet maħsuba biex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE (40);

Immexxu l-isforzi fuq livell globali

120.

Jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi r-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart sabiex tiżgura t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-kummerċ tal-iskart fl-UE, twaqqaf l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta' skart li jikkawża ħsara ambjentali jew għas-saħħa tal-bniedem u tindirizza b'mod aktar effettiv l-imġiba illegali bil-għan li tiżgura li l-iskart kollu jiġi trattat skont il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari; jappoġġja wkoll lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-emendi riċenti għall-Konvenzjoni ta' Basel dwar l-iskart tal-plastik u biex taġixxi b'rispett sħiħ għall-obbligi tal-UE skont din il-Konvenzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka wkoll fuq:

l-inċentivi finanzjarji biex jiġu stabbiliti suq uniku reali u kundizzjonijiet ekwi għall-materja prima sekondarja ta' kwalità għolja;

l-iffaċilitar tal-proċeduri biex jiġu promossi l-kapaċitajiet tar-riċiklaġġ u l-infrastrutturi għat-trattament tal-iskart fl-UE;

l-implimentazzjoni tas-sistema ta' Interskambju tad-Data Elettronika (EDI) biex jiġu mmonitorjati aħjar il-flussi tal-iskart;

l-implimentazzjoni tar-reviżjoni tar-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart (41) u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

121.

Jilqa' l-Alleanza Globali għal Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni globali għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari, u jistieden lill-Kummissjoni tmexxi l-isforzi dwar ftehim internazzjonali fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riżorsi naturali biex jibqgħu fil-“limiti tal-pjaneta” għall-użu tar-riżorsi naturali;

122.

Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fil-livell internazzjonali biex jintlaħaq ftehim globali dwar il-plastiks, u biex tiġi promossa l-adozzjoni globali tal-approċċ ta' ekonomija ċirkolari dwar il-plastiks tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-diversi impenji li saru kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali jkunu jistgħu jiġu traċċati b'mod integrat u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru tmexxija attiva biex ikomplu jaħdmu fuq risponsi internazzjonali għall-ġlieda kontra ż-żibel tal-plastik fil-baħar u l-mikroplastiċi;

123.

Jissottolinja l-importanza li l-materja prima ewlenija u dik sekondarja importati fl-UE tkun obbligata tikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li huma ekwivalenti għall-istandards tal-UE, inkluż permezz tal-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni dwar governanza u diliġenza dovuta korporattivi sostenibbli, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-ktajjen tal-provvista ewlenin tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, inkluż fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u fil-ftehimiet dwar il-kummerċ barrani;

124.

Jistieden lill-produtturi Ewropej jassumu r-responsabbiltà meta jbigħu prodotti f'pajjiżi terzi u jipproponi li l-partijiet ikkonċernati industrijali jimpenjaw ruħhom li jestendu r-responsabbiltà tal-prodotturi tagħhom biex jorganizzaw jew jiffinanzjaw il-ġbir separat tal-prodotti tagħhom meta jsiru skart f'pajjiżi terzi; jistieden ukoll lill-produtturi jindirizzaw l-inkonsistenzi fir-rigward tal-kwalità tal-prodotti esportati u l-prodotti mibjugħa fis-suq tal-UE;

125.

Jappoġġja lill-Kummissjoni biex tippromwovi diskussjonijiet multilaterjali dwar livelli sostenibbli tal-użu tar-riżorsi u l-limiti tal-pjaneta, inkluż li jiġu esplorati miri bbażati fuq ix-xjenza għall-użu tar-riżorsi;

126.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi implimentata l-Aġenda 2030 dwar kwistjonijiet relatati mat-tisħiħ tal-ġestjoni u l-protezzjoni internazzjonali kontra l-ħsara fuq is-saħħa u l-ambjent ikkawżata mis-sustanzi kimiċi; jisħaq b'mod partikolari fuq l-importanza tal-proċess kontinwu taħt l-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM) biex tittieħed deċiżjoni dwar qafas b'saħħtu għall-ġestjoni b'saħħitha tas-sustanzi kimiċi u l-iskart wara l-2020 fl-ICCM 5 f'Bonn f'Lulju 2021;

127.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' indikaturi tal-effiċjenza fir-riżorsi permezz ta' konvenzjonijiet internazzjonali sabiex ikun jista' jsir paragun bejn l-industriji u l-ekonomiji u tiżgura kundizzjonijiet ekwi, u tappoġġja djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

128.

Filwaqt li titqies il-premessa tar-riżorsi limitati tad-dinja, għandha tiġi stabbilita Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Suffiċjenza tar-Riżorsi biex isiru diskussjonijiet dwar l-aċċess u l-implikazzjonijiet tal-użu tar-riżorsi, bis-sostenibbiltà u l-ekwità jkunu fil-qalba tagħha;

129.

Ifakkar li minbarra l-adozzjoni ta' miżuri biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE ta' newtralità klimatika sal-2050, jeħtieġ li tiġi indirizzata l-marka tal-karbonju fid-domanda tal-UE għal prodotti importati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tabolixxi l-ostakli għat-tkabbir ekoloġiku, l-ekoinnovazzjoni u dawk li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-aċċess għas-suq għal prodotti u servizzi ċirkolari minn barra l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibilitajiet u l-benefiċċji tat-tnaqqis tal-ostakli tariffarji u mhux tariffarji fuq ċerti prodotti u servizzi sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, inkluż fil-kuntest tar-rieżami li għaddej tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, iżżid id-dimensjoni tal-ekonomija ċirkolari mal-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, li għandu jiġi intensifikat; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ħtiġijiet speċjali tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE, tassisti lill-SMEs fl-integrazzjoni tal-ekonomija ċirkolari fil-mudell tan-negozju tagħhom, inkluż permezz ta' inċentivi, u tappoġġjahom fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tan-negozju għall-esportazzjoni ta' prodotti ċirkolari, b'mod partikolari permezz tat-tnedija ta' għodda ta' valutazzjoni tar-riskju għar-regoli tal-oriġini, kif qed jiġi kkunsidrat bħalissa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol mexxej fid-WTO fl-indirizzar ta' prodotti abbażi tal-kontenut tal-karbonju tagħhom bħala mod biex jiġu bbilanċjati l-kundizzjonijiet regolatorji;

130.

Iqis li huma meħtieġa dispożizzjonijiet legalment sodi fil-ftehimiet kummerċjali sabiex tiġi salvagwardjata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari mill-kunċett ta' ostaklu għall-kummerċ;

131.

Jisħaq fuq il-fatt li politika kummerċjali strateġika hija għodda essenzjali għall-avvanz tat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari u l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE u tan-NU globalment sal-2030, u jissottolinja għalhekk l-importanza li jiġi żgurat li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment jiġu allinjati mal-politiki tal-ekonomija ċirkolari;

132.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinteraġixxi fi djalogi miftuħa u trasparenti u f'kooperazzjoni mas-sħab kummerċjali tal-UE biex tkompli tappoġġja l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu sforzi f'fora internazzjonali (UNCTAD, WTO, G20, G7) biex isegwu l-aġenda tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti globali mas-sħab internazzjonali permezz tal-possibbiltà li jiġi esplorat il-kunċett ta' passaporti diġitali biex titrawwem id-disponibbiltà ta' data relatata mal-kontenut tal-prodott u l-marka tal-karbonju u r-riċiklabbiltà, biex ikun hemm ċirkolarità mtejba, tiġi promossa r-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR), kif ukoll għażliet sostenibbli tal-konsumatur; jissuġġerixxi wkoll f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni tinteraġixxi mal-organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti biex tilħaq ftehim dwar tikketta internazzjonali li tkun faċli biex tinftiehem mill-konsumaturi, u li tindika jekk prodott jistax jiġi riċiklat; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari dwar kif il-pajjiżi l-anqas żviluppati jistgħu jipparteċipaw fl-ekonomija ċirkolari u jibbenefikaw minnha; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fl-istrateġija tagħha “Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika” b'mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Għajnuna għall-Kummerċ u l-SĠP+ biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadottaw prattiki tal-ekonomija ċirkolari, inklużi standards tal-prodotti;

o

o o

133.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://ec.europa.eu/environment/pdf/chemicals/2020/10/Strategy.pdf

(2)  Testi adottati P9_TA(2020)0201.

(3)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 116.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

(5)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 60.

(6)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(7)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0198

(9)  ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0201.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(12)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 136.

(13)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.

(14)  ĠU C 76, 9.3.2020, p. 192.

(15)  ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.

(16)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.

(17)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.

(18)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.

(19)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.

(20)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(21)  https://www.resourcepanel.org/reports/global-resources-outlook

(22)  https://resourcepanel.org/reports/resource-efficiency-and-climate-change

(23)  https://science.sciencemag.org/content/369/6510/1455

(24)  https://www.ellenmacarthurfoundation.org/assets/downloads/publications/EllenMacArthurFoundation_Growth-Within_July15.pdf

(25)  Environmental Indicator Report 2014: Environmental Impacts of Production-Consumption Systems in Europe (Rapport tal-2014 dwar l-Indikaturi Ambjentali: Impatti Ambjentali tas-Sistemi ta' Produzzjoni-Konsum fl-Ewropa). L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 2014.

(26)  Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(27)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(28)  Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(29)  Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(30)  Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).

(31)  Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).

(32)  Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(33)  Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1).

(34)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m’ għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/129/KE tat-28 ta' Jannar 1997 li tistabbilixxi s-sistema ta' identifikazzjoni għall-materjali għall-ippakkjar skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE fuq l-ippakkjar u l-iskart ta' l-ippakkjar (ĠU L 50, 20.2.1997, p. 28).

(36)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

(37)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(38)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(39)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, paragrafu 33.

(40)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-Tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, paragrafu 13.

(41)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/30


P9_TA(2021)0041

Implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (2020/2029(INI))

(2021/C 465/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 79 u 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 5 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (1)(“id-Direttiva Kontra t-Traffikar”),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (“il-Konvenzjoni ta' Palermo”) u l-Protokolli relatati magħha, u b'mod partikolari, il-Protokoll għall-Prevenzjoni, is-Soppressjoni u l-Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal (“il-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar”) u l-Protokoll kontra t-Traffikar ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

wara li kkunsidra l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-traffikar tal-persuni, speċjalment tan-nisa u t-tfal,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, li jfittex li jiġġieled il-forom kollha ta' traffikar tan-nisa u l-isfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2000), Beijing + 10 (2005) u Beijing + 15 (2010) u l-konferenza ta' rieżami Beijing + 20,

wara li kkunsidra l-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li jitlob li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b'mod sensittiv għall-ġeneru,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29), il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105) u r-Rakkomandazzjoni dwar ix-Xogħol Furzat (Miżuri Supplimentari), 2014 (Nru 203), il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182) u l-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi, 2011 (Nru 189),

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ġenerali Nru 33 tat-23 ta' Lulju 2015 dwar l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Transforming our World: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta' Settembru 2015, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 5.2 tagħha dwar l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fl-isferi pubbliċi u privati, inkluż it-traffikar u l-isfruttament sesswali u tipi oħra ta' sfruttament,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta' Istanbul”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (3) (“id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (4) (“Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (7) (“id-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza”),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (8) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati (9),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) (COM(2020)0258),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2012 bit-titolu “L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin, 2012-2016” (COM(2012)0286),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2014 bit-titolu “Mid-term report on the implementation of the EU strategy towards the eradication of trafficking in human beings” (Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin) (SWD(2014)0318) u l-ewwel (COM(2016)0267)), it-tieni (COM(2018)0777) u t-tielet (COM(2020)0661) rapport dwar il-progress tagħha,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu f'konformità mal-Artikolu 23(1) (COM(2016)0722),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (14),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2017 bit-titolu “Rappurtar dwar is-segwitu tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti oħra” (COM(2017)0728),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra l-Istudju tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-kost ekonomiku, soċjali u uman tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE, l-Istudju tal-2020 tagħha dwar ir-rieżami tal-funzjonament tal-Mekkaniżmi ta' Riferiment Nazzjonali u Transnazzjonali tal-Istati Membri, l-Istudju tal-2020 tagħha dwar il-Ġbir tad-data dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-UE u l-Istudju tal-2016 tagħha dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fit-traffikar tal-bnedmin,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' impenn tal-2018 biex jaħdmu flimkien kontra t-traffikar tal-bnedmin iffirmata mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Aġenzija tal-UE għal Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sitwazzjoni tal-Europol “Trafficking in human beings in the EU” (It-traffikar tal-bnedmin fl-UE) tat-18 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol bit-titolu “The challenges of countering human trafficking in the digital era” (L-isfidi tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-era diġitali) tat-18 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra l-valutazzjoni ta' theddid mill-kriminalità serja u organizzata (SOCTA) tal-2017 tal-Europol,

wara li kkunsidra r-raba' rapport annwali taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti tal-Europol tal-15 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu “Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union” (L-isfruttament gravi ta' ħaddiema: ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea jew lejn l-Unjoni Ewropea) tad-29 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurostat “Trafficking in human beings” (It-traffikar tal-bnedmin) tas-17 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 9/1 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (UNTOC) dwar l-Istabbiliment ta' Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-UNTOC u l-Protokolli tagħha,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UNHCR tas-7 ta' April 2006 dwar il-protezzjoni internazzjonali bit-titolu “The application of Article 1A(2) of the 1951 Convention and/or 1967 Protocol relating to the Status of Refugees to victims of trafficking and persons at risk of being trafficked” (L-applikazzjoni tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni tal-1951 u/jew tal-Protokoll tal-1967 rigward l-Istatus ta' Rifuġjati għall-vittmi tat-traffikar u l-persuni f'riskju li jiġu ttraffikati),

wara li kkunsidra r-Rapport Globali tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) 2018 dwar it-Traffikar ta' Persuni,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ġenerali Nru 38 tas-6 ta' Novembru 2020 dwar it-traffikar ta' nisa u bniet fil-kuntest tal-migrazzjoni globali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2011/36/UE: Il-migrazzjoni u kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali tagħha għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari fil-15 ta' Settembru 2020 (15),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0011/2021),

A.

billi t-traffikar tal-bnedmin jikkostitwixxi ksur tad-dinjità tal-bniedem, tal-integrità fiżika u psikoloġika ta' bniedem, li jinsab madwarna fil-ħajja ta' kuljum tagħna, u huwa ksur profond tad-drittijiet fundamentali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi t-traffikar huwa fenomenu relatat ħafna mal-ġeneru, bi kważi tliet kwarti (16) mill-vittmi kollha rrappurtati fl-2017 u l-2018 fl-UE jkunu nisa u bniet, li kienu ttraffikati b'mod predominanti għal sfruttament sesswali; billi l-isfruttament sesswali kien l-aktar raġuni rrappurtata għat-traffikar fl-UE mill-2008;

C.

billi l-għadd ta' vittmi rreġistrati tat-traffikar ta' bnedmin kiber fl-aħħar perjodu ta' studju tal-Kummissjoni (2017 u 2018) meta mqabbel ma' dak preċedenti, u għadu jiżdied (17); billi l-għadd attwali ta' vittmi x'aktarx li huwa konsiderevolment ogħla mid-data rrappurtata, billi ħafna vittmi jibqgħu mhux identifikati;

D.

billi t-tfal jammontaw għal għadd konsiderevoli tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin; billi 78 % tat-tfal kollha ttraffikati huma bniet u 68 % tal-adulti ttraffikati huma nisa (18);

E.

billi d-differenza bejn il-ġeneri, il-faqar, l-ispostament furzat, il-qgħad, in-nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, in-nuqqas ta' aċċess għal edukazzjoni, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni u l-korruzzjoni huma ftit mill-fatturi kontributorji li jagħmlu persuni, b'mod speċjali nisa u tfal, vulnerabbli għat-traffikar; billi l-kawżi ewlenin tat-traffikar ta' bnedmin għadhom mhumiex indirizzati biżżejjed;

F.

billi l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin huma ħafna drabi soġġetti għal forom multipli u trasversali ta' diskriminazzjoni u vjolenza, inkluż abbażi tal-ġeneru, l-età, ir-razza, id-diżabbiltà, l-etniċità, il-kultura u r-reliġjon, kif ukoll l-oriġini nazzjonali jew soċjali jew statuses oħra, u billi dawn il-forom ta' diskriminazzjoni jistgħu huma stess jinstigaw it-traffikar ta' persuni (19);

G.

billi hemm ħafna forom ta' traffikar, iżda dawn kollha huma bbażati fuq l-abbuż tal-vulnerabbiltà inerenti tal-vittmi u għandhom l-għan li jisfruttaw il-bnedmin, u billi l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jinstabu involuti f'attivitajiet legali u illegali differenti, inklużi, iżda mhux biss għas-settur agrikolu, l-ipproċessar tal-ikel, l-industrija tas-sess, ix-xogħol domestiku, il-manifattura, il-kura, it-tindif, industriji oħra (b'mod partikolari l-industriji tas-servizzi), l-elemożina, il-kriminalità, iż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali online u offline, l-adozzjonijiet illegali u t-traffikar tal-organi; billi hemm forom oħra ta' traffikar li għadhom mhux irreġistrati u rrappurtati biżżejjed, inkluż xi wħud li huma relatati ħafna mal-ġeneru, bħal żwieġ furzat u servitù domestika;

H.

billi dawn l-aħħar snin urew li l-migranti u l-persuni li jfittxu l-ażil huma partikolarment f'riskju li jiġu ttraffikati; billi, fost dawn, il-minorenni mhux akkumpanjati u n-nisa huma grupp fil-mira speċjali għal networks tat-traffikar;

I.

billi l-Europol wissiet li l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 jista' jkompli jżid l-għadd ta' vittmi (20), u jnaqqas il-probabbiltà li t-traffikanti jiġu identifikati permezz tal-infurzar tal-liġi u li reċessjoni ekonomika minħabba l-kriżi tal-COVID-19 tista' tirriżulta wkoll f'konsegwenzi perikolużi fil-qasam tat-traffikar ta' bnedmin (21); billi s-sitwazzjoni tal-vittmi ttraffikati aggravat mill-bidu tal-kriżi u s-servizzi ta' appoġġ iltaqgħu ma' diffikultajiet fl-għajnuna lill-vittmi;

J.

billi skont il-Europol (22), l-użu tat-teknoloġiji diġitali wessa' l-kapaċità tal-kriminali li jittraffikaw il-bnedmin għal tipi differenti ta' sfruttament; billi teknoloġiji ġodda qed jiġu sfruttati minn traffikanti matul kull fażi ta' sfruttament sesswali, mir-reklutaġġ u r-reklamar ta' vittmi, għar-rikatt u l-ikkontrollar tal-movimenti tagħhom; billi dawn l-għodod ġodda joffru anonimità miżjuda għat-traffikanti u joħolqu diffikultajiet għall-infurzar tal-liġi fl-identifikazzjoni tagħhom; billi interazzjoni online toħloq kemm riskji kif ukoll opportunitajiet għal kriminali, vittmi u infurzar tal-liġi;

K.

billi t-traffikar ta' bnedmin għadu reat kumpless u prevalenti li jaffettwa l-possibbiltà li jintlaħqu l-SDGs kollha, b'mod partikolari l-SDGs 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet);

L.

billi t-traffikar ta' persuni huwa l-ewwel u qabel kollox reat serju kontra persuni individwali, jiġġenera wkoll spejjeż għas-soċjetà bħall-użu żejjed ta' servizzi pubbliċi inklużi l-infurzar tal-liġi, servizzi speċjalizzati, servizzi tas-saħħa u protezzjoni soċjali, produzzjoni ekonomika mitlufa, il-valur ta' kwalità tal-ħajja mitlufa, u l-koordinazzjoni ta' xogħol ta' prevenzjoni kontra t-traffikar; billi din l-ispiża hija stmata għal EUR 3 700 524 433 għall-EU-28 (23);

M.

billi t-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu transnazzjonali kumpless li jista' jiġi indirizzat b'mod effettiv biss jekk l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet tal-UE u internazzjonali jaħdmu flimkien b'mod koordinat; billi l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex jinqered it-traffikar permezz tas-sinerġija ta' diversi politiki interni u esterni eżistenti bħall-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Estera u ta' Sigurtà u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, kif ukoll permezz tal-kampanji ta' informazzjoni rilevanti fil-pajjiżi involuti; billi t-traffikar ta' bnedmin għandu jitqies fil-ħidma leġiżlattiva dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi III;

N.

billi l-identifikazzjoni effettiva ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin għadha sfida fil-maġġoranza tal-Istati Membri minħabba diversi raġunijiet, bħan-nuqqas ta' għarfien tal-lingwa u nuqqas ta' rieda li jirrappurtaw lill-pulizija jew kapaċitajiet limitati ta' infurzar tal-liġi; billi l-identifikazzjoni ta' vittmi li għadhom tfal hija ħafna drabi aktar ta' sfida minħabba li dawn ma jifhmux li huma vittmi; billi l-Istati Membri għandhom obbligu li jeżerċitaw diliġenza dovuta biex jipprevjenu t-traffikar ta' bnedmin, biex jinvestigaw każijiet ta' traffikar u jikkastigaw lil awturi ta' reati, jappoġġjaw u jagħtu s-setgħa lil vittmi u jirrispettaw id-dinjità tagħhom, u jipprevedu l-protezzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għal rimedji, u billi nuqqas ta' dan jikser u jimpedixxi jew ixejjen it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-vittmi;

O.

billi d-Direttiva Kontra t-Traffikar tistabbilixxi standards minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni Ewropea kollha fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni ta' vittmi u tipprevedi d-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi traffikar tal-bnedmin; billi traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, segwita mill-implimentazzjoni sħiħa tagħha, mhijiex biss obbligatorja, iżda hija wkoll meħtieġa sabiex isir progress fl-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin;

P.

billi r-rapporti ta' monitoraġġ kollha juru li kważi 10 snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, għad hemm ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha fil-livell tal-Istati Membri, u għalhekk ħafna vittmi jibqgħu mhux identifikati u r-rati ta' prosekuzzjoni u kundanni ta' awturi ta' reati jibqgħu baxxi; billi lakuni sinifikanti fil-kopertura u l-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki nazzjonali dwar it-traffikar ta' bnedmin jistgħu jiġu sfruttati b'mod attiv minn gruppi ta' kriminalità organizzata u jħallu gruppi kbar ta' nies aktar vulnerabbli għall-isfruttament;

Q.

billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi ma kinitx sodisfaċenti, b'mod partikolari minħabba traspożizzjoni inkompleta u/jew inkorretta;

R.

billi t-traffikar tal-bnedmin huwa forma ta' kriminalità organizzata profittabbli ħafna u huwa għalhekk immexxi mid-domanda u l-profitt; billi t-tnaqqis tad-domanda, anki fir-rigward tal-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet, jeħtieġ li jkun fil-mira tal-ġlieda kontra t-traffikar; billi l-vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali hija element kostituttiv tat-traffikar għall-isfruttament sesswali u l-vjolenza kontra n-nisa;

S.

billi r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tista' tikkomplementa l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

T.

billi l-isfruttament gravi tal-ħaddiema jseħħ f'ħafna setturi ekonomiċi fl-UE u jaffettwa lil diversi gruppi ta' ħaddiema transfruntiera, inkluż kemm ċittadini tal-UE kif ukoll ċittadini li mhumiex tal-UE; billi, kif ġie rrakkomandat mill-FRA (24), tali prattiki għandhom jiġu indirizzati fost l-oħrajn permezz ta' sistema komprensiva ta' spezzjonijiet immirati tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

1.   

Jinnota l-ħtieġa ta' qafas koordinat, armonizzat u koerenti fil-livell tal-UE, ibbażat fuq valutazzjoni u mekkaniżmi ta' segwitu aktar effiċjenti, li jiggarantixxi t-tisħiħ tal-prevenzjoni tat-traffikar ta' bnedmin, flimkien mal-appoġġ, l-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li għandu l-għan li jelimina kompletament it-traffikar, inkluż permezz ta' implimentazzjoni koordinata mad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, id-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza, id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-pornografija tat-tfal u d-Direttiva dwar il-Kumpens (25), peress li t-traffikar huwa reat b'dimensjoni transfruntiera u għalhekk ma jistax jiġi ttrattat fil-livell nazzjonali biss;

2.   

Ifaħħar ix-xogħol tajjeb li għamlet il-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tar-rispons tal-UE għat-traffikar ta' bnedmin u fl-iżvilupp ta' għarfien u sejbiet dwar id-diversi aspetti tat-traffikar ta' bnedmin, inkluż riċerka dwar id-dimensjoni tal-ġeneru u l-vulnerabbiltà partikolari tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kontinwità tax-xogħol li qed isir billi taħtar Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar bl-għarfien espert rilevanti u mandat ċar, li jaħdem ma' network ta' rappreżentanti nazzjonali mill-Istati Membri u mis-soċjetà ċivili biex tiġi żgurata kooperazzjoni konsistenti;

3.   

Jisħaq fuq l-importanza li l-finanzjament tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), tal-Programm Daphne, tal-Fond Soċjali Ewropew+ u tal-programmi tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) jibqa' jintuża għal proġetti li jindirizzaw it-traffikar ta' bnedmin, kif ukoll billi jintużaw strumenti oħra disponibbli, inklużi programmi tal-UE bħall-programm għaċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri, strumenti finanzjarji bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-Fond Fiduċjarju tal-UE ta' Emerġenza għall-Afrika, u inizjattivi bħal EMPACT, u l-Inizjattivi Spotlight UE-NU u Glo.ACT; ifakkar fil-ħtieġa ta' inizjattivi u proġetti relatati mad-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar, u jitlob reviżjoni komprensiva tal-politika tal-proġetti ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament stabbli u persunal adegwat biex jidentifikaw u jipproteġu lill-vittmi u jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet tal-vittmi, speċjalment dawk li jipprovdu appoġġ lin-nisa, li, minħabba tnaqqis qawwi fil-finanzjament, qed isibuha diffiċli biex ikomplu jipprovdu servizzi lill-vittmi;

4.   

Jenfasizza li n-nuqqas ta' data konsistenti, komparabbli u dettaljata jkompli jxekkel il-valutazzjoni adegwata u bbażata fuq l-evidenza tal-iskala u x-xejriet fit-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fir-riċerka, l-analiżi u l-ġbir tad-data dwar il-forom kollha ta' traffikar ta' bnedmin, kif ukoll il-finanzjament tagħhom, u jtejbu l-koordinazzjoni fost is-sorsi tad-data fil-livell nazzjonali u tal-UE, kif ukoll il-ġbir ta' data aktar aġġornata, ċentralizzata u komprensiva diżaggregata skont it-tip ta' traffikar, l-età u s-sess, l-oriġini razzjali u etnika, u l-inklużjoni ta' persuni ttraffikati internament, billi tinġabar informazzjoni statistika b'rispett xieraq għad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, f'kooperazzjoni mal-atturi istituzzjonali involuti, is-soċjetà ċivili, l-EIGE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha; jistieden lill-Kummissjoni tikkompila u tippubblika b'mod regolari tali data għall-UE;

5.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li ssir distinzjoni bejn it-traffikar u d-dħul klandestin, li jirrikjedu analiżi aktar profonda u risponsi legali u ta' politika differenti; jenfasizza li l-konfużjoni bejniethom spiss twassal għal nuqqasijiet fl-identifikazzjoni korretta tal-vittmi u fl-iżgurar li jkunu jistgħu jaċċessaw miżuri ta' protezzjoni u jevitaw vittimizzazzjoni sekondarja;

6.   

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw u jevalwaw l-użu tat-teknoloġiji diġitali, tal-midja soċjali u tas-servizzi tal-internet bħala l-għodod predominanti użati għar-reklutaġġ tal-vittmi tat-traffikar, u li jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin billi jipprovdulhom l-għarfien tekniku meħtieġ u r-riżorsi dedikati biex iwieġbu għall-isfidi maħluqa mit-teknoloġiji l-ġodda; jistedinhom ukoll jadottaw regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-kumpaniji tat-teknoloġija li jospitaw materjal abbużiv, biex itejbu l-għodod leġiżlattivi użati fil-proċedimenti ġudizzjarji u fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti, jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti, il-fornituri tas-servizzi tal-internet u l-kumpaniji tal-midja soċjali, jippromwovu kampanji ta' informazzjoni pubblika madwar l-UE dwar it-traffikar ta' bnedmin filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tal-vittmi għall-privatezza u s-sikurezza, kif ukoll jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data tagħhom, u jżidu l-appoġġ għall-bini ta' għarfien espert transnazzjonali u soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija, pereżempju biex jiġi mblukkat ir-reklutaġġ tal-vittmi;

7.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-għarfien ċibernetiku prijorità fil-kampanji mmirati lejn l-iskejjel, l-universitajiet, il-kumpaniji u l-korpi ta' riċerka, u jibnu fuq l-għarfien eżistenti bħall-portal Internet Aħjar għat-Tfal; jissottolinja li s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin online fuq il-midja soċjali hija essenzjali biex vittmi ġodda jiġu prevenuti milli jidħlu fin-networks tat-traffikar; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv ma' pjattaformi fl-iżvilupp ta' linji gwida komuni u pjanijiet ta' azzjoni li jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar online;

Identifikazzjoni, protezzjoni, assistenza u appoġġ lill-vittmi

8.

Jenfasizza li l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tibqa' waħda mill-isfidi prinċipali għall-implimentazzjoni, u hija waħda mill-aktar kruċjali biex il-vittmi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jipproteġuhom, jagħtu responsabbiltà lil aktar atturi u opportunitajiet ta' sensibilizzazzjoni biex jidentifikaw il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin fl-istadji kollha tal-proċess, inklużi rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, uffiċjali tal-immigrazzjoni u tal-ażil, spetturi tax-xogħol u assistenti soċjali jew persunal tal-kura tas-saħħa kif ukoll professjonisti u atturi rilevanti oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq l-erba' strateġiji ewlenin ta' prevenzjoni, prosekuzzjoni, protezzjoni tal-vittmi u sħubija f'diversi livelli; jistieden lill-Istati Membri kollha jallokaw fondi adegwati għall-identifikazzjoni, il-protezzjoni, l-assistenza u l-appoġġ tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin fl-istadji kollha; jenfasizza li l-identifikazzjoni bikrija għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-setturi u l-gruppi b'riskju għoli bħall-vittmi li huma nisa u bniet;

9.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jiggarantixxu b'mod effettiv id-drittijiet tal-vittmi permezz ta' assistenza legali fl-istadju l-aktar bikri possibbli, inkluża informazzjoni aċċessibbli dwar id-drittijiet legali tagħhom, biex jipproteġuhom u jappoġġjawhom b'approċċ li jqis is-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal filwaqt li jiżguraw il-komplementarjetà mad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi; ifakkar li d-Direttiva Kontra t-Traffikar tobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu intitolati li ma jipproċedux kontra l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jew jimponu penali fuqhom għall-involviment tagħhom f'attivitajiet kriminali li jkunu ġew sfurzati jwettqu;

10.

Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' protezzjoni legali għal vittmi vulnerabbli f'ħafna Stati Membri; jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti miżuri għall-ħtiġijiet speċjali tal-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u gwida speċifika għall-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati protezzjoni, assistenza u appoġġ individwalizzati u mingħajr kundizzjonijiet lill-vittmi, filwaqt li jitqiesu wkoll id-dipendenti diretti tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' proċedimenti legali relatati ma' azzjonijiet kriminali, ċivili jew azzjonijiet oħra kontra t-traffikanti jew dawk li jisfruttaw; jitlob l-implimentazzjoni effettiva fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u kwalunkwe leġiżlazzjoni relatata, b'approċċ ibbażat fuq il-ġeneru u l-vittma; ifakkar li n-nies li jaħdmu biex jipproteġu u jgħinu lill-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin m'għandhomx jiġu kriminalizzati għax-xogħol tagħhom relatat ma' dan;

11.

Jinnota li l-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jirrikjedu servizzi speċjalizzati, inkluż l-aċċess għal akkomodazzjoni sikura fuq perjodu qasir u fit-tul, skemi ta' protezzjoni tax-xhieda, kura tas-saħħa u konsulenza, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, rimedji legali, kumpens, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-kollokament f'impjieg, l-integrazzjoni (jew ir-riintegrazzjoni), l-assistenza għal risistemazzjoni u servizzi individwalizzati, b'perspettiva tal-ġeneru speċifika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw forniment ta' servizzi speċifiku għall-ġeneru, xieraq u mmirat lill-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin;

12.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħan-nisa, it-tfal, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni minn gruppi ddiskriminati minħabba r-razza ta' spiss jiġu injorati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw servizzi speċifiċi għall-ġeneru u appoġġ lill-vittmi xieraq għall-ħtiġijiet tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-persuni LGBTI, billi huma vulnerabbli ħafna għat-traffikar ta' bnedmin minħabba l-effett kumulattiv ta' tipi differenti ta' diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru;

13.

Jiġbed l-attenzjoni għall-vulnerabbiltà għolja tal-komunitajiet tar-Rom għall-forom kollha ta' traffikar u sfruttament, speċjalment tan-nisa u t-tfal, skont it-tliet rapporti ta' progress tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu miżuri speċifiċi li jiġġieldu t-traffikar permezz tal-istrateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Rom għall-2020-2030; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru data statistika dwar il-vittmi tat-traffikar abbażi tal-isfond etniku tagħhom;

14.

Huwa mħasseb li vittmi tat-traffikar ta' bnedmin ħafna drabi mhumiex infurmati b'mod adegwat dwar id-drittijiet tagħhom jew dwar il-miżuri ta' assistenza u ta' appoġġ li huma disponibbli għalihom; jissottolinja l-importanza li jkun hemm informazzjoni ċara u konsistenti għall-vittmi u għall-persunal tal-ewwel linja li jista' jiġi f'kuntatt mal-vittmi;

15.

Jenfasizza li filwaqt li l-impatt sħiħ tal-pandemija tal-COVID-19 għadu ma jistax jitkejjel, xorta waħda huwa ċar li l-kriżi taffettwa b'mod sproporzjonat lill-vittmi l-aktar vulnerabbli tat-traffikar ta' bnedmin, speċjalment in-nisa, it-tfal u dawk f'sitwazzjonijiet prekarji, u li ġiegħlet lil ħafna postijiet ta' kenn biex jagħlqu jew jissospendu s-servizzi tagħhom bħala riżultat ta' infezzjonijiet irrappurtati, u dan ħalla lil vittmi tat-traffikar mingħajr akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, u assistenza legali; jisħaq f'dan il-kuntest li għandu jiġi ggarantit l-aċċess għal servizzi soċjali u ta' kura mingħajr diskriminazzjoni; ifakkar li l-kawżi ewlenin li jwasslu għat-traffikar ta' bnedmin ġew aggravati mill-pandemija, u dan jesponi lill-popolazzjonijiet vulnerabbli għal riskji akbar ta' traffikar, iżid in-numru ta' reklami online li jinkludu vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, ta' predaturi sesswali li jimmiraw lejn it-tfal, ta' każijiet ta' sfruttament sesswali online, u d-domanda għall-pornografija tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, li ħarġet rapport bit-titolu ta' “Pandemic profiteering: how criminals exploit the COVID-19 crisis” (L-isfruttar tal-pandemija: kif il-kriminali jisfruttaw il-kriżi tal-COVID-19) f'Marzu 2020; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi aktar profonda tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-vittmi potenzjali tat-traffikar ta' bnedmin, u fuq l-istruttura u l-funzjonament tat-traffikar ta' bnedmin b'mod ġenerali, sabiex jinħolqu miżuri speċifiċi biex jiġi eliminat it-traffikar ta' bnedmin;

16.

Jinnota l-ħtieġa ta' Mekkaniżmi Nazzjonali ta' Riferiment (NRM) koerenti u li jiffunzjonaw b'mod sħiħ, ikkoordinati ma' mekkaniżmi transnazzjonali ta' riferiment u ffinanzjati permezz ta' allokazzjonijiet finanzjarji dedikati speċifiċi, biex jilqgħu għall-isfidi fil-koordinazzjoni tal-atturi differenti, u n-nuqqasijiet li jwasslu għal fiduċja limitata fost il-vittmi, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq riferimenti effettivi; jissottolinja li l-kooperazzjoni tajba bejn il-pulizija u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) għandha tkun komplementari għal NRM sħiħ li jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi rilevanti kollha (26) biex b'hekk jiġu protetti u promossi d-drittijiet fundamentali tal-vittmi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu ċentri nazzjonali speċjalizzati fl-appoġġ u l-akkoljenza ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin u jiffaċilitaw kooperazzjoni transfruntiera diretta u effiċjenti bejn dawn iċ-ċentri kif ukoll bejn aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta s-sitwazzjoni tal-kumpens lill-vittmi fl-Istati Membri u bejn il-fruntieri f'termini ta' aċċess, infurzar u pagamenti attwali, u tissuġġerixxi miżuri speċifiċi biex jiġu żgurati għajnuna legali u aċċess aħjar, aktar rapidi u b'xejn għall-kumpens fl-Istati Membri kollha, mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' reparazzjoni;

18.

Jilqa' l-adozzjoni tal-istabbiliment tal-Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli tagħha fl-2018 u t-tnedija tal-proċess ta' rieżami tagħha fl-2020; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed lilha nnifisha fil-pożizzjoni bħala mudell eżemplari f'dan il-proċess ta' rieżami; jissottolinja l-importanza li jiżdied il-fehim tat-traffikar ta' bnedmin bħala reat kumpless u dejjem jevolvi; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li rispons ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem jibqa' fil-qalba tal-analiżi tat-traffikar ta' bnedmin u r-rispons għalih, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq ir-rwol importanti li jaqdu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jingħaqdu mal-kampanja internazzjonali tan-NU kontra t-traffikar ta' persuni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti dwar it-traffikar ta' bnedmin, inkluża l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin;

It-traffikar ta' bnedmin bħala reat relatat mal-ġeneru u l-indirizzar tat-traffikar għal sfruttament sesswali

19.

Jenfasizza li l-isfruttament sesswali baqa' l-forma l-aktar prevalenti u rrappurtata ta' traffikar fl-UE mill-2008 'l hawn, peress li 60 % tal-vittmi jiġu ttraffikati għal sfruttament sesswali; jinnota li 92 % ta' dawn il-vittmi huma nisa u bniet, u li aktar minn 70 % tat-traffikanti huma rġiel (27), u dan jirrifletti kif it-traffikar għall-isfruttament sesswali huwa bbażat fuq id-differenzi bejn il-ġeneri;

20.

Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-vjolenza kontra n-nisa u l-minorenni, l-aċċettazzjoni soċjali tal-vjolenza u l-kultura tal-impunità, u d-differenzi strutturali bejn il-ġeneri u l-istereotipi bħala kawżi ewlenin tat-traffikar, speċjalment permezz tal-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni kkomplementati bi skambju tal-aħjar prattiki, inklużi programmi u korsijiet ta' taħriġ biex jiġu involuti l-irġiel u s-subien; jirrakkomanda li l-Kummissjoni ssaħħaħ u tiżviluppa d-dimensjoni tal-ġeneru fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja dan waqt il-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva Kontra t-Traffikar u l-implimentazzjoni tagħha;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kif id-domanda għal servizzi sesswali tixpruna t-traffikar, peress li l-Europol irrappurtat li “hemm Stati Membri fejn il-prostituzzjoni hija legali, li tagħmilha ħafna eħfef għat-traffikanti li jużaw ambjent legali biex jisfruttaw lill-vittmi tagħhom” (28); ifakkar fis-sejba tal-Europol li f'xi Stati Membri tal-UE fejn il-prostituzzjoni hija legali, is-suspettati rnexxielhom jisfruttaw lit-tfal u mhux biss vittmi adulti (29); jissottolinja li t-traffikar ta' bnedmin huwa instigat mill-profitti għoljin għat-traffikanti u mid-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta' sfruttament; jisħaq li l-użu ta' negozji legali bħala kopertura għal attivitajiet ta' sfruttament huwa pjuttost komuni fost it-traffikanti tal-bnedmin; ifakkar li l-Istati Membri għandhom obbligu legali li jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda għall-forom kollha ta' sfruttament, li għandu jkun mira ewlenija għall-isforzi ta' prevenzjoni u prosekuzzjoni;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-prevenzjoni tar-reat tat-traffikar għal sfruttament sesswali, inkluż permezz ta' kampanji ta' informazzjoni, sensibilizzazzjoni u edukazzjoni, tal-adozzjoni ta' miżuri u programmi li jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda, u possibbilment tadotta leġiżlazzjoni dedikata futura, u jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-użu magħruf tas-servizzi ta' vittmi tat-traffikar bħala reat kriminali fl-istatuti nazzjonali tagħhom, kif irrakkomandat mill-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u kif ġie mtenni mill-Kummissjoni fl-2018 (30), u tipprevedi pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu ma' persuni ttraffikati;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq ix-xejriet rikorrenti u li qed jitfaċċaw tat-traffikar ta' bnedmin għal sfruttament sesswali, bħaż-żieda fl-isfruttament tat-tfal u n-nisa, inkluż permezz tal-grooming u s-sextortion, u l-użu, fost affarijiet oħra, tal-metodu tal-“lover boy” bħala l-aktar mezz frekwenti ta' reklutaġġ tal-vittmi u kif dawn isiru konformi billi jintużaw teknoloġiji online, permezz tal-iżvilupp ta' ħiliet diġitali, inkluża s-sikurezza online, f'kooperazzjoni mal-atturi rilevanti kollha; jinnota li ż-żieda fl-użu ta' teknoloġija minn networks kriminali involuti fit-traffikar ta' bnedmin ittrasformat b'mod sinifikanti l-modus operandi tradizzjonali tagħhom, b'mod speċjali matul xi stadji tal-proċess tat-traffikar;

24.

Jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' taħriġ li jqisu s-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal, u jitlob li jkun hemm aktar minnhom, għall-uffiċjali, l-imħallfin, il-partijiet ikkonċernati u l-atturi kollha li jittrattaw każijiet ta' traffikar, investigazzjonijiet, u vittmi potenzjali biex tittejjeb l-identifikazzjoni bikrija ta' dawk li jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar għal sfruttament sesswali u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jappoġġjaw il-vittmi, bħal programmi ta' ħruġ, miżuri ta' appoġġ psikoloġiku, opportunitajiet ta' riintegrazzjoni soċjali u professjonali diċenti, edukazzjoni u aċċess għal servizzi komprensivi ta' saħħa sesswali u riproduttiva, aċċess għall-ġustizzja u drittijiet relatati, filwaqt li jiġu involuti s-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u s-settur privat; jissottolinja wkoll, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni għall-pubbliku ġenerali sabiex jiġu identifikati u protetti l-vittmi potenzjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati fondi adegwati għal skopijiet ta' taħriġ u għalhekk jitlob lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi adegwati;

25.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw edukazzjoni sesswali komprensiva li tkun xierqa għall-età u mil-lat tal-iżvilupp bħala mezz ewlieni ta' prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi t-traffikar u l-isfruttament sesswali, biex jinkludu edukazzjoni dwar kunsens u relazzjonijiet li tippromwovi attitudnijiet b'saħħithom ta' rispett u ugwaljanza fl-interazzjonijiet kollha;

Traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema

26.

Jesprimi dispjaċir qawwi għall-fatt li diversi Stati Membri u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrappurtaw żieda fit-traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema (31); jiddeplora l-fatt li t-tfal qed jisfaw ukoll dejjem aktar vittma ta' traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema u jitlob li tittieħed azzjoni urġenti minn spettorati nazzjonali tax-xogħol fl-Istati Membri biex jiġu identifikati u jintemmu tali prattiki; jistieden ukoll lill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tindirizza l-kwistjoni ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema bħala kwistjoni ta' prijorità u tappoġġja lill-Istati Membri fil-tisħiħ tal-kapaċitajiet fir-rigward ta' din il-kwistjoni fid-dawl ta' identifikazzjoni u sanzjonar aħjar ta' prattiki ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema permezz ta' spezzjonijiet immirati; jenfasizza l-importanza li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tal-isfruttament tal-ħaddiema fil-programmi ta' taħriġ għall-uffiċjali li jgħinu lill-vittmi biex tittejjeb l-identifikazzjoni bikrija ta' dawk li huma vittmi tat-traffikar għal xogħol furzat; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kif id-domanda għal servizzi ta' xogħol bl-irħis tixpruna t-traffikar għal sfruttament tal-ħaddiema; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jeliminaw kull forma ta' xogħol informali u mhux regolat, u b'hekk jiżguraw id-drittijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha; jenfasizza li l-istatus tax-xogħol prekarju tal-ħaddiema kkonċernati jagħmilhom dipendenti minn min iħaddimhom, u jippermetti lil dawk li jwettqu t-traffikar tal-bnedmin jisfruttaw il-vittmi tagħhom;

Forom oħra ta' sfruttament

27.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffukaw fuq ix-xejriet rikorrenti u emerġenti ta' kull forma ta' traffikar ta' bnedmin, inkluż, fost skopijiet oħra, għall-isfruttament tal-ħaddiema, l-elemożina furzata, iż-żwieġ furzat u ta' konvenjenza, u l-kriminalità furzata; jissottolinja li t-traffikar ta' bnedmin huwa instigat minn profitti għoljin għat-traffikanti u mid-domanda li tippromwovi l-forom kollha ta' sfruttament; jinnota bi tħassib li ħafna Stati Membri tal-UE m'għandhomx leġiżlazzjoni adegwata għall-vittmi tal-forom kollha ta' sfruttament; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-forom kollha ta' traffikar meta jagħtu protezzjoni, assistenza u appoġġ lill-vittmi; jinnota li minkejja rapporti riċenti ta' networks kriminali li jittraffikaw persuni madwar l-UE għall-iskopijiet ta' sfruttament tal-ħaddiema u forom oħra ta' sfruttament, xorta waħda hemm nuqqas ta' data, leġiżlazzjoni u aċċess adegwati għall-appoġġ tas-servizzi għall-vittmi ta' dawn il-forom ta' sfruttament;

28.

Jinnota li t-traffikar għal forom oħra ta' sfruttament ammonta għal 18 % tal-vittmi (32), bl-involviment ta' attivitajiet fil-qasam tal-elemożina furzata, il-kriminalitajiet furzati, il-bejgħ ta' trabi, it-tneħħija tal-organi, l-adozzjoni illegali, l-isfruttament finanzjarju permezz ta' frodi u t-traffikar ta' bnedmin permezz ta' maternità surrogata; jinnota li ħafna mill-vittmi ta' elemożina furzata u kriminalità furzata ħafna drabi jiġu minn komunitajiet marġinalizzati tar-Rom u ħafna drabi huma tfal;

29.

Jenfasizza li qafas ta' politika u legali tal-UE dwar it-traffikar ta' bnedmin jgħaqqad flimkien id-dimensjonijiet kemm interni kif ukoll esterni, filwaqt li jirrikonoxxi li azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa reat serju u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tikkostitwixxi objettiv ċar tal-azzjoni esterna tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġġieldu l-forom kollha ta' traffikar ta' bnedmin u jsaħħu l-opportunitajiet għal investigazzjonijiet konġunti u prosekuzzjonijiet speċjalizzati;

It-traffikar ta' bnedmin fil-kuntest tal-ażil u l-migrazzjoni

30.

Jenfasizza li, filwaqt li l-maġġoranza tal-vittmi huma ċittadini tal-UE, l-organizzazzjonijiet kriminali kienu qed jużaw ħażin ir-rotot ta' migrazzjoni għat-traffikar tal-vittmi fl-UE, bi kriżijiet umanitarji li jaggravaw l-esponiment tal-migranti, tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu l-ażil għat-traffikanti; jinnota li kien hemm żieda kbira f'dawn l-aħħar snin fir-rigward tan-numru ta' nisa u bniet ittraffikati permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali għal sfruttament sesswali fl-UE (33); jitlob lill-Istati Membri u lill-UE jidentifikaw dawn in-nisa u l-bniet u jipprevjenu każijiet simili fil-futur billi jużaw approċċ koerenti u koordinat ibbażat fuq id-drittijiet u li jqis is-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal biex jipprevjenu u jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin; ifakkar li n-nisa u t-tfal ta' spiss jisfaw vittmi ta' abbuż sesswali tul ir-rotta tal-migrazzjoni, bħala skambju għall-protezzjoni u l-għajxien bażiku; jissottolinja li l-kriterji biex dawn in-nisa u t-tfal jingħataw l-istatus uffiċjali ta' vittma ta' traffikar ta' bnedmin spiss ikunu riġidi wisq biex jiġu ssodisfati, u li għalhekk ma jkunux jistgħu jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex jindirizzaw il-ħsara li jiffaċċjaw;

31.

Itenni li l-persuni li jfittxu ażil, ir-rifuġjati u l-migranti, u b'mod partikolari, il-minorenni mhux akkumpanjati u separati, huma vulnerabbli għat-traffikar u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-traffikar tan-nisa, tat-tfal u ta' gruppi vulnerabbli oħra; jenfasizza li hemm vulnerabbiltajiet u riskji fi stadji differenti fil-proċess tal-migrazzjoni qabel il-migrazzjoni nfisha, fit-triq lejn l-UE, fid-destinazzjoni u għal dawk li jistgħu jintbagħtu lura; jinnota li għarfien limitat ta' lingwa lokali u/jew nuqqas ta' fehim tad-drittijiet tagħhom, aċċess limitat għal opportunitajiet ta' għajxien vijabbli jew edukazzjoni ta' kwalità, u restrizzjonijiet fil-libertà tagħhom ta' moviment jistgħu jikkontribwixxu wkoll għar-riskju tagħhom li jisfaw vittmi tat-traffikar;

32.

Jenfasizza n-numru baxx ħafna ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin irreġistrati fi proċeduri ta' protezzjoni internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-għoti ta' informazzjoni lill-individwi li jaslu, inkluż bl-għajnuna tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, dwar id-drittijiet tagħhom u l-proċeduri applikabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż dwar il-possibbiltajiet li jiksbu appoġġ permezz ta' avukati u medjaturi kulturali li jaħdmu biex jipprevjenu t-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin;

33.

Jinnota li f'xi Stati Membri, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jiġu identifikati bħala vittmi tat-traffikar ta' bnedmin jistgħu jkunu ddeċidew, jew ikunu ġew obbligati, jibdlu l-proċeduri u japplikaw għal permess ta' residenza skont id-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza (34); jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta' kontra t-traffikar u tal-ażil ikunu interkonnessi u jikkomplementaw lil xulxin;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin III, id-Direttiva Kontra t-Traffikar u d-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza biex jipprevjenu l-prattika użata f'xi Stati Membri tat-trasferiment tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin lejn il-pajjiż fejn ġew sfruttati meta waslu l-ewwel darba, u b'hekk iħalluhom aktar esposti għar-riskju li jerġgħu jiġu ttraffikati u trawmatizzati;

35.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jidentifikaw vittmi potenzjali fi stadju bikri, b'mod partikolari fil-flussi migratorji u l-hotspots, u jadottaw miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni; jenfasizza li l-vittmi potenzjali li jkunu ġew identifikati għandhom jiġu pprovduti bi protezzjoni u aċċess għal post sikur fejn jistgħu jiġu pprovduti bl-informazzjoni u l-għajnuna legali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-vittmi kollha, inklużi l-vittmi migranti, ikollhom aċċess għall-ġustizzja irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

36.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu riżorsi adegwati għal faċilitajiet speċjalizzati għall-vittmi reali u preżunti ta' traffikar, inklużi nisa, minorenni mhux akkumpanjati u separati, u biex jiġu żgurati biżżejjed postijiet fil-postijiet ta' kenn; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-preżenza ta' persunal imħarreġ dwar il-ġeneri fil-faċilitajiet ta' akkoljenza u jipprovdu appoġġ u finanzjament adegwati lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu magħhom;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt għall-ħajja tal-familja tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin u jivvalutaw l-estensjoni potenzjali tal-protezzjoni internazzjonali mogħtija lill-vittmi għall-membri tal-familja tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familja għall-membri tal-familja tal-vittmi f'riskju fil-pajjiż ta' oriġini;

38.

Jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi nazzjonali għall-ġbir ta' data dwar il-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin fi proċeduri ta' protezzjoni internazzjonali sabiex ikun jista' jiġi żgurat is-segwitu tal-każijiet identifikati;

39.

Huwa mħasseb li l-perjodu ta' rkupru u riflessjoni huwa marbut mal-kooperazzjoni mill-vittma matul l-investigazzjoni u jingħata mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri (35) l-perjodu la jingħata lill-vittmi tat-traffikar li huma ċittadini tal-UE u/jew taż-ŻEE u lanqas lil dawk li jfittxu l-ażil; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet legali disponibbli fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-għoti ta' perjodu ta' rkupru u riflessjoni;

40.

Jirrimarka li, skont il-Europol, id-dħul klandestin tal-migranti u t-traffikar ta' bnedmin xi drabi jitwettqu mill-istess organizzazzjonijiet kriminali (36) u investigazzjonijiet juru li t-traffikanti għandhom l-isfruttament tal-migranti u dawk li jfittxu l-ażil fl-UE bħala l-mira dejjem tikber tagħhom (37); jisħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin meta jkun hemm kooperazzjoni kontra d-dħul klandestin ta' nisa u tfal ma' pajjiżi terzi, jew ta' oriġini jew ta' tranżitu, flimkien mal-protezzjoni tal-vittmi, billi jiġu żgurati programmi komprensivi ta' appoġġ, riintegrazzjoni u riabilitazzjoni;

41.

Ifakkar lill-Istati Membri li nuqqas ta' perkorsi ta' migrazzjoni sikuri u legali għal persuni li jfittxu l-ażil iżid il-vulnerabbiltà tagħhom għat-traffikar peress li jistgħu jiġu sfruttati kemm matul it-tranżitu kif ukoll mal-wasla; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rotot aktar sikuri u legali għall-migrazzjoni bħal viżi umanitarji sabiex jiġi evitat l-isfruttament ta' individwi vulnerabbli;

42.

Jinnota li meta l-vittmi jkunu mingħajr dokumenti, jew ikollhom status dipendenti, tiżdied il-probabbiltà ta' vittimizzazzjoni u titnaqqas il-probabbiltà li dawn ifittxu għajnuna jew jirrappurtaw abbuż minħabba l-biża' marbuta mal-konsegwenzi tal-immigrazzjoni, u b'hekk dan ipoġġihom f'riskju ta' sfruttament u abbuż; jinnota li l-lakuni sinifikanti fil-kopertura u l-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki nazzjonali dwar it-traffikar ta' bnedmin jagħtu lil dawk li jwettqu r-reati vantaġġ addizzjonali biex jisfruttaw il-vittmi bi status irregolari, u dan iħalli lil gruppi kbar ta' nies aktar vulnerabbli għall-isfruttament; jistieden lill-Istati Membri jisseparaw l-azzjonijiet tal-infurzar tal-migrazzjoni mill-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi; jisħaq li għandhom jiġu stabbiliti rapportar sikur u mekkaniżmi tal-ilmenti effettivi għall-persuni vulnerabbli;

It-traffikar tat-tfal

43.

Jinnota li t-tfal jirrappreżentaw kważi kwart tal-vittmi kollha fl-UE, bil-bniet (78 %) li jirrappreżentaw il-maġġoranza vasta tal-vittmi li għadhom tfal fl-UE; jinnota li kważi 75 % tal-vittmi li għadhom tfal kollha fl-UE kienu ċittadini tal-UE; huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament li jiffaċċjaw il-vittmi li għadhom tfal fl-UE speċjalment dawk li jiġu ttraffikati għal sfruttament sesswali (38);

44.

Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu attenzjoni speċjali lit-tfal vittmi tat-traffikar bl-aħjar interessi tal-minorenni jitqiesu tal-aktar importanza fl-azzjonijiet kollha; jenfasizza l-ħsara fiżika u psikoloġika li sofrew it-tfal ittraffikati u ż-żieda fil-vulnerabbiltà tagħhom għall-isfruttament; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw miżuri b'saħħithom dwar il-protezzjoni tat-tfal, il-preżunzjoni ta' valutazzjoni tat-tfulija u tal-età tat-tfal, il-protezzjoni qabel u matul il-proċedimenti kriminali, l-aċċess għal assistenza mingħajr kundizzjonijiet, kumpens, in-nuqqas ta' piena, u assistenza u appoġġ lill-membru tal-familja ta' tfal vittmi kif ukoll il-prevenzjoni;

45.

Jistieden lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-identifikazzjoni tal-vittmi li għadhom tfal u jgħinuhom jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jinħatru kustodji mħarrġa sew u appoġġjati kif xieraq, inklużi kustodji temporanji bħala miżura ta' emerġenza, għal vittmi li għadhom tfal, inklużi tfal vittmi mhux akkumpanjati, u jisħaq fuq l-importanza ta' servizzi speċjalizzati u ta' ġustizzja li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal; jitlob ukoll lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw taħriġ adegwat u xieraq, b'mod partikolari taħriġ legali u psikoloġiku, għal dawk li jaħdmu ma' tfal vittmi tat-traffikar, u jżidu n-numru ta' kustodji billi jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

46.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal konsulari jagħti attenzjoni partikolari għall-verifika korretta tal-identità tal-minorenni u r-rabta mal-persuna jew persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri jew il-kustodja legali meta tittieħed id-data bijometrika tal-minorenni fil-proċedura tal-applikazzjoni għal viża; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Europol u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni u taħriġ immirati u effettivi, kif ukoll informazzjoni dwar il-metodi użati mit-traffikanti, lill-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali sabiex jiġi evitat it-traffikar tat-tfal;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-pornografija tat-tfal, u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja biex jipprevjenu u jiġġieldu l-isfruttament sesswali fil-livell tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari mal-Europol u l-Eurojust, biex iżidu l-iskambji ta' informazzjoni u jappoġġjaw l-investigazzjonijiet transfruntiera;

48.

Jinnota bi tħassib kbir il-prevalenza ta' abbuż sesswali tat-tfal, u l-mudell u n-normalizzazzjoni tat-traffikar u l-isfruttament sesswali tat-tfal, u jitlob rispons adegwat mill-pjattaformi online biex jiġi evitat li jsir disponibbli materjal abbużiv li jinvolvi t-tfal;

49.

Jinnota l-użu ta' mezzi bħall-internet u l-midja soċjali biex jiġu rreklutati u attirati l-vittmi potenzjali; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali mill-pjattaformi tal-internet biex jiġu żviluppati għodod adegwati; jitlob li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid jindirizza dan l-użu tal-metodi ta' vjolenza ċibernetika; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mudell ta' identifikazzjoni, appoġġ bikri u assistenza għal tfal li huma vittmi ta' sfruttament u abbuż sesswali online, kif ukoll programmi ta' sensibilizzazzjoni u mekkaniżmi ta' rappurtar li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ulterjuri fil-ġlieda kontra dawn ir-reati online u jsaħħu l-miżuri preventivi; itenni għalhekk il-ħtieġa li jittejbu l-kollaborazzjoni u l-iskambju transfruntiera fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tat-tfal kif ukoll li jiġu żviluppati traċċar rapidu tal-familja u arranġamenti ta' kura alternattiva għal minorenni mhux akkumpanjati;

50.

Jirrimarka li l-vittmi li għadhom tfal jeħtieġu appoġġ speċifiku, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi u vulnerabbiltajiet speċifiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-professjonisti li jiġu f'kuntatt ma' vittmi li għadhom tfal, bħal persunal tal-infurzar tal-liġi, gwardji tal-fruntiera, impjegati taċ-ċivil, il-ġudikatura, u assistenti soċjali u ħaddiema tas-saħħa, inklużi dawk li jaħdmu f'faċilitajiet tal-kura taż-żgħażagħ, ikunu mħarrġa biżżejjed biex jidentifikaw, jappoġġjaw u jirreferu lit-tfal vittmi tat-traffikar ta' bnedmin; jinnota l-fatt li skwadri speċjalizzati fi ħdan l-infurzar tal-liġi, imħarrġa fir-reġistrazzjoni awdjoviżiva tax-xhieda mit-tfal, mhumiex involuti b'mod konsistenti fl-interrogazzjoni tat-tfal vittmi kollha tat-traffikar ta' bnedmin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu din il-prattika standard u jħarrġu l-persunal tal-infurzar tal-liġi f'din it-tip ta' interrogazzjoni li tħares l-interessi tat-tfal; jagħti parir lill-Istati Membri jiżviluppaw “approċċ ta' katina” b'saħħtu, b'rabtiet mill-qrib bejn l-appoġġ speċifiku tat-traffikar ta' bnedmin bħaċ-ċentri speċjalizzati għall-appoġġ u l-akkoljenza tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin, u l-moduli integrati tal-kura taż-żgħażagħ, filwaqt li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull tifel jew tifla vittma tat-traffikar ta' bnedmin;

51.

Jinnota li t-tfal Rom huma speċjalment vulnerabbli għall-isfruttament u t-traffikar u huma f'riskju għoli li jkunu soġġetti għall-isfruttament sesswali, l-isfruttament tal-ħaddiema u l-elemożina;

52.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi fl-Istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali fuq tfal tal-24 ta' Lulju 2020, il-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq tfal, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal, bħala pedament ta' approċċ Ewropew koordinat u bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati li jinkludi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż fuq tfal, u l-assistenza għall-vittmi;

53.

Jinnota li t-tfal fil-migrazzjoni, u, b'mod partikolari, il-minorenni migranti mhux akkumpanjati u separati, għadhom f'riskju kbir ta' vjolenza, traffikar u sfruttament mar-rotot migratorji fi triqithom, lejn u ġewwa l-UE; jinnota li l-bniet jinsabu f'riskju ta' sfruttament sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru tul ir-rotot migratorji; jeżiġi lill-Istati Membri jipprovdu lit-tfal vittmi tat-traffikar mhux akkumpanjati b'miżuri ta' assistenza, appoġġ u protezzjoni li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jassenjawlhom kustodju mal-wasla tagħhom, u jipprovdulhom kundizzjonijiet tal-għajxien xierqa u adattati; ifakkar li tali miżuri għandhom iqisu l-aħjar interessi tat-tfal mhux akkumpanjati minn perspettiva ta' żmien qasir, kif ukoll fit-tul; jikkundanna l-fatt li xi Stati Membri kienu qed jużaw id-detenzjoni bħala mezz ta' “protezzjoni” għal minorenni mhux akkumpanjati, inkluż fiċ-ċelel tal-pulizija; ifakkar li l-Istati Membri għandhom jeżaminaw alternattivi għad-detenzjoni, b'mod partikolari tat-tfal; ifakkar li d-detenzjoni mhijiex fl-aħjar interessi tat-tfal u li l-Istati Membri għandhom jipprovdu akkomodazzjoni mhux ta' kustodja u li tqis l-interessi tat-tfal;

54.

Jinnota li t-traffikanti spiss użaw ċentri ta' akkoljenza biex jidentifikaw il-vittmi potenzjali u biex jirranġawlhom ħalli jiġu ttrasportati lejn postijiet ta' sfruttament, u li l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u atturi kompetenti oħra fl-Istati Membri jeħtiġilhom għalhekk ikunu partikolarment viġilanti u jissorveljaw u jissalvagwardjaw dawn iċ-ċentri, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċifika lil dawk l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal, filwaqt li jsaħħu l-protezzjoni tagħhom billi, fl-istess ħin, jinfurmawhom u jagħtuhom is-setgħa billi jqajmu kuxjenza fl-iskejjel, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u l-movimenti taż-żgħażagħ; jisħaq li approċċ Ewropew koordinat huwa meħtieġ biex jinstabu u jiġu protetti t-tfal migranti mhux akkumpanjati meta dawn ma jkunux jistgħu jinstabu;

L-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali u l-kriminalizzazzjoni tal-użu ta' servizzi ta' vittmi

55.

Jinnota n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għar-reat tat-traffikar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex itejbu u jħaffu l-investigazzjoni ta' każijiet ta' traffikar, permezz tal-isforzi msaħħa tal-pulizija kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll transnazzjonali u jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali qawwija għal reat ta' traffikar ta' bnedmin; jenfasizza li s-sanzjonijiet nazzjonali eżistenti u l-mezzi tal-eżekuzzjoni tagħhom għadhom ivarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil oqsma mhux irrappurtati u mhux investigati biżżejjed, speċjalment għal impjiegi ta' natura staġjonali u temporanja fis-setturi b'livell baxx ta' ħiliet u ta' paga baxxa, bħall-isfruttament tal-ħaddiema fis-settur agrikolu; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-impunità permezz ta' approċċ koordinat bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE fi sħubija mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u sħab oħra, biex b'hekk tissaħħaħ l-effikaċja tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, inkluż permezz tal-użu effettiv tal-pjattaformi eżistenti mmexxija minn aġenziji bħall-Europol u l-Eurojust; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' kriminalità serja, inklużi każijiet ta' traffikar ta' bnedmin, jużaw sistemi tal-IT fuq skala kbira, inkluża s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II), skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex jappoġġjawhom;

56.

Jinnota li mhux l-Istati Membri kollha introduċew leġiżlazzjoni rilevanti għall-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar (39); jinnota li l-isfondi legali differenti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu ta' servizzi mwettqa minn vittmi jxekklu l-isforzi biex titnaqqas id-domanda; jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rati ta' prosekuzzjoni u ta' kundanna fl-UE għall-użu konxju tas-servizzi tal-vittmi u għall-isfruttament sesswali huma baxxi; itenni l-istedina urġenti tiegħu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-att tal-użu konxju tas-servizzi ta' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin bħal reat kriminali;

57.

Jissottolinja l-importanza kruċjali għall-komunità tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni li tiżviluppa kapaċitajiet analitiċi effiċjenti u estiżi b'reazzjoni għall-mudelli kriminali tat-traffikar ta' bnedmin dejjem akbar u ffaċilitati online; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-aġenziji tal-UE bħall-Europol, u permezz ta' fondi settorjali dedikati tal-UE bħall-Fond għas-Sigurtà Interna għall-Istati Membri biex jiżguraw l-ogħla standards analitiċi u għodod adegwati biex jipproċessaw ammonti dejjem aktar kumplessi ta' informazzjoni;

58.

Jinnota li n-nisa huma kkriminalizzati b'mod sproporzjonat minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika jew l-istatus ta' migrazzjoni tagħhom u huma mwaqqfa milli jgawdu aċċess ugwali għall-ġustizzja bħala riżultat tal-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, il-liġijiet diskriminatorji, diskriminazzjoni inkroċjata jew komposta, u rekwiżiti u prattiki proċedurali u evidenzjarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess għall-ġustizzja jkun disponibbli fiżikament, ekonomikament, soċjalment u kulturalment għan-nisa kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakli għall-aċċess għall-ġustizzja min-nisa;

59.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-kundizzjonijiet li għalihom vittma tirċievi l-istatus uffiċjali ta' vittma tat-traffikar ta' bnedmin ta' spiss ikunu riġidi wisq biex jiġu ssodisfati, speċjalment għall-minorenni u vittmi vulnerabbli oħra li huma dipendenti finanzjarjament u emozzjonalment mit-traffikanti tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-vittmi għadhom jiġu soġġetti għal akkużi u kundanni kriminali għal reati li jkunu ġew mġiegħla jwettqu, li ta' spiss ikunu marbuta mad-dħul illegali fit-territorju ta' Stat Membru, li ħafna drabi huwa inerenti għat-traffikar; jistieden lill-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet ċari dwar in-nuqqas ta' prosekuzzjoni jew nuqqas ta' kkastigar tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin u dwar id-diżakkoppjament tal-protezzjoni tal-vittmi mill-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, li attwalment jixħtu l-piż kollu fuq il-vittma; jitlob li l-Istati Membri minflok jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-vittmi fir-rigward tal-appoġġ psikoloġiku; jistieden ukoll lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-assistenza u l-appoġġ għal vittma ma jkunux kondizzjonali fuq ir-rieda tal-vittma li tikkoopera fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-proċess kriminali, f'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar;

60.

Jiddeplora l-fatt li d-data dwar l-identità tal-vittmi tat-traffikar ta' bnedmin tidher fir-rapporti tal-pulizija u matul il-proċeduri kollha, u tagħmilha diffiċli għall-vittmi biex jitkellmu jew biex jiġu protetti mir-ritaljazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu l-ismijiet u data oħra dwar l-identità tal-vittmi f'fajls separati, aċċessibbli għall-pulizija u l-prosekuzzjoni, iżda li ma jiġux żvelati lit-traffikanti ssuspettati jew l-avukati tagħhom, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tagħhom għal proċess ġust;

61.

Jisħaq fuq l-importanza ta' investigazzjoni finanzjarja u tat-“traċċar tal-flus” bħala strateġija ewlenija għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' networks ta' kriminalità organizzata li japprofittaw mit-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jniedu investigazzjonijiet finanzjarji u jaħdmu ma' speċjalisti fil-qasam tal-ħasil tal-flus meta jkunu se jibdew investigazzjoni ġdida dwar it-traffikar; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fl-iffriżar u l-konfiska tal-assi tal-individwi involuti fit-traffikar u fl-għoti ta' kumpens lill-vittmi, inkluż bl-użu ta' rikavat ikkonfiskat bħala appoġġ għall-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi, kif imħeġġeġ mill-Premessa 13 tad-Direttiva dwar it-Traffikar ta' Bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tippromwovi l-użu ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija eżistenti u tal-għodod disponibbli, bħar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi tal-qorti, l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-ordni ta' investigazzjoni Ewropea; jitlob f'dan ir-rigward li jittieħed approċċ olistiku mtejjeb li jfittex li jżid ir-riflessjoni konġunta fis-setturi kollha, bħall-migrazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u ħafna setturi oħra;

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Aġenziji tal-UE

62.

Ifakkar fir-rwol tal-aġenziji tal-UE fl-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin; jappella għal aktar riżorsi għall-Aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) biex il-persunal tagħhom ikun jista' jitħarreġ u jkunu jistgħu jiġu żviluppati strumenti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-vittmi, inkluż il-ħatra ta' persunal imħarreġ b'mod adegwat f'approċċi li jqisu s-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal, speċjalment fl-Istati Membri li qed jiffaċċjaw żieda fil-flussi ta' migrazzjoni mħallta; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-integrazzjoni tal-għarfien espert dwar il-ġeneru u d-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE, inkluż bl-iżvilupp ta' programmi sostnuti biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-persunal tal-aġenziji tal-ĠAI, b'mod partikolari dawk rilevanti għat-traffikar ta' bnedmin;

63.

Jilqa' l-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Impenn mill-aġenziji tal-ĠAI li jaħdmu flimkien kontra t-traffikar ta' bnedmin; jappella f'dan ir-rigward, għall-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-għarfien transfruntiera mal-aġenziji rilevanti tal-UE bħall-Eurojust, il-Europol, il-FRA, il-Frontex, is-CEPOL, l-EIGE u l-EASO, fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin;

64.

Jirrimarka r-rwol vitali li għandha l-Eurojust fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kumplessi fost l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, inkluż permezz tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea kif ukoll permezz tal-użu ta' Skwadri ta' Investigazzjoni Konġunta; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aktar riferimenti u riferimenti f'waqthom ta' każijiet tat-traffikar ta' bnedmin lill-Eurojust sabiex itejbu l-koordinazzjoni ta' investigazzjonijiet ġudizzjarji u prosekuzzjonijiet bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi; iħeġġeġ l-użu akbar ta' Skwadri ta' Investigazzjoni Konġunta bl-appoġġ tal-Eurojust u l-Europol, billi din l-għodda ta' kooperazzjoni ġudizzjarja wriet li hija partikolarment effettiva fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin;

65.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tad-data u l-informazzjoni biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin billi jużaw ir-riżorsi u l-bażijiet tad-data rilevanti tal-Europol;

66.

Jistieden lis-CEPOL tipprovdi taħriġ għall-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu żgurati approċċi standardizzati għall-investigazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi;

Rakkomandazzjonijiet

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva Kontra t-Traffikar wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa sabiex jittejbu l-miżuri għall-prevenzjoni, l-indirizzar u l-prosekuzzjoni tal-forom kollha tat-traffikar, speċjalment għall-isfruttament sesswali bħala l-akbar qasam tat-traffikar ta' bnedmin; biex jiġi indirizzat l-użu tat-teknoloġiji online kemm fil-proliferazzjoni kif ukoll fil-prevenzjoni tat-traffikar ta' bnedmin; biex jittejbu l-miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u l-aċċess faċli u mingħajr kundizzjonijiet għall-assistenza u l-protezzjoni, filwaqt li tissaħħaħ perspettiva orizzontali li tqis is-sitwazzjoni tal-ġeneru u tat-tfal fil-forom kollha tat-traffikar;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni temenda d-Direttiva Kontra t-Traffikar bil-għan li tiżgura li l-Istati Membri jikkriminalizzaw b'mod espliċitu l-użu magħruf tas-servizzi kollha pprovduti mill-vittmi tat-traffikar li jinvolvu l-isfruttament, kif issuġġerit mill-Artikolu 18 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, minħabba n-natura serja u estensiva ta' dan ir-reat madwar l-UE u n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-prova tal-għarfien fl-użu tas-servizzi ta' vittma tat-traffikar tal-bnedmin hija kwistjoni diffiċli għall-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni; jisħaq li d-diffikultà li tinstab l-evidenza mhijiex neċessarjament argument konklużiv biex tip partikolari ta' kondotta ma jiġix ittrattat bħala reat kriminali; jinnota li r-restrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għas-sitwazzjoni biss fejn l-utent ikollu għarfien dirett u reali li l-persuna tkun vittma tat-traffikar tal-bnedmin toħloq limitu għoli ħafna biex jinkisbu prosekuzzjonijiet; iqis li l-livell ta' għarfien li għandu jkun meħtieġ għal dan ir-reat għandu jkun kwistjoni ta' eżami mill-qrib; iqis li l-utent għandu juri li ttieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiġi evitat l-użu tas-servizzi pprovduti minn vittma; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-infurzar tal-liġi m'għandux biżżejjed għarfien dwar l-użu magħruf tas-servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar, in-nuqqas ta' prattika ġudizzjarja tal-forniment rilevanti u r-riżorsi umani insuffiċjenti u inadegwati skjerati; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iżidu n-numru ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, u jnaqqsu l-piż li l-vittmi u x-xhieda tagħhom ikunu qed jagħmlu matul il-proċedimenti għall-ġbir tal-evidenza; jitlob taħriġ regolari u mfassal apposta għall-investigaturi, il-prosekuturi u l-imħallfin, u għall-użu sistematiku ta' investigazzjonijiet finanzjarji u għodod investigattivi effettivi oħra mmexxija mill-intelligence, li jistgħu jipprovdu firxa ta' tipi ta' evidenza li għandhom jintużaw flimkien max-xhieda tal-vittmi; jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex jindirizzaw dan ir-reat kif suppost;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Strateġija tal-UE speċifika u dedikata għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin mingħajr aktar dewmien, biex tindirizza t-traffikar ta' bnedmin fl-UE bħala qasam ta' prijorità, u permezz ta' qafas ġuridiku u ta' politika komprensiv, speċifiku għall-ġeneru u għat-tfal u ffukat fuq il-vittmi;

70.

Ifakkar li d-Direttiva Kontra t-Traffikar teħtieġ li tiġi implimentata bis-sħiħ, applikata b'mod konsistenti u diliġenti mill-atturi kollha fil-qasam, inkluż il-leġiżlaturi, l-imħallfin, il-prosekuturi, il-pulizija u l-amministrazzjonijiet pubbliċi; jisħaq li t-taħriġ xieraq ta' dawn l-atturi kollha huwa essenzjali, bħalma huma l-kampanji preventivi ta' sensibilizzazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom f'din id-direzzjoni;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tirrevedi regolarment l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar mill-Istati Membri u tippreżenta rapport skont l-Artikolu 23(1), fejn tivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ dik id-Direttiva u l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, u tintroduċi b'mod urġenti proċeduri ta' ksur fejn kien hemm nuqqas ta' implimentazzjoni effettiva, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u tressaq proposti biex tirrevediha;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta rieżami tad-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza bil-għan li jiġi żgurat li l-vittmi ma jiġux irritornati meta jiskadi l-perjodu ta' riflessjoni u li l-permessi ta' residenza għall-persuni ttraffikati ma jkunux soġġetti għall-parteċipazzjoni jew ir-rieda ta' parteċipazzjoni tal-persuna ttraffikata fl-investigazzjoni jew fil-proċedimenti kriminali tal-każ; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess mingħajr kundizzjonijiet għall-assistenza u l-appoġġ mogħti mid-Direttiva Kontra t-Traffikar jkun rikonċiljat mad-Direttiva dwar il-Permess ta' Residenza u l-applikazzjoni tagħha;

73.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiddefinixxu u jallokaw fondi adegwati fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin, jew fuq livell nazzjonali jew Ewropew, permezz tal-possibbiltajiet ta' finanzjament ipprovduti mill-fondi u l-proġetti Ewropej, bħall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-fergħa Daphne tal-programm dwar iċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri fil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni li jilħqu lill-vittmi potenzjali u jinfurmawhom dwar l-assistenza, il-protezzjoni u d-drittijiet tagħhom fil-pajjiżi kollha tal-UE;

75.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka bbażata fuq l-evidenza dwar il-fatturi ta' riskju għall-vittmi potenzjali u dwar l-intersezzjoni tal-oqsma ta' politika differenti mat-traffikar ta' bnedmin fis-setturi ta' riskju;

76.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-prevenzjoni tat-traffikar b'enfasi fuq id-drittijiet tal-vittmi, jaħdmu mas-soċjetà ċivili fil-provvista tas-servizzi u l-assistenza meħtieġa lill-vittmi, u jiżguraw li jkollhom aċċess għall-ġustizzja, kumpens u riparazzjoni;

77.

Jenfasizza l-importanza ta' approċċ koerenti biex tittejjeb l-identifikazzjoni ta' vittmi potenzjali fil-kuntest ta' flussi migratorji u fil-hotspots, jittejjeb l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil u tiġi żgurata l-komplementarjetà tagħhom mal-proċeduri relatati mat-traffikar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u tressaq proposti biex tirrevediha;

78.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti kontra gruppi kriminali attivi fid-dħul klandestin tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin, minħabba l-probabbiltà li l-persuni li jiddaħħlu b'mod klandestin isiru vittmi tat-traffikar, u biex jivvalutaw ir-riskju li jiffaċċjaw il-migranti u dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment il-minorenni mhux akkumpanjati, it-tfal u n-nisa separati; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' aktar rotot legali u sikuri għall-migrazzjoni sabiex jiġi evitat l-isfruttament ta' persuni vulnerabbli bi status irregolari;

79.

Jistieden lill-Istati Membri, bħala tweġiba għall-COVID-19, jelaboraw pjan ta' kontinġenza sabiex jiżguraw funzjonalità minima ta' sistemi ta' kontra t-traffikar f'kundizzjonijiet ta' emerġenza; jinnota li l-pjan ta' kontinġenza għandu jiżgura pakkett minimu ta' servizzi disponibbli għall-vittmi biex jissodisfaw il-bżonnijiet immedjati tagħhom matul il-perjodu ta' opportunitajiet imnaqqsa għar-riferiment, il-protezzjoni, l-investigazzjoni tal-każ u l-proċeduri tal-qorti;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Koordinatur kontra t-Traffikar tal-UE bil-ħatra ta' Koordinatur Kontra t-Traffikar tal-UE full-time, u biex tinkludi din l-istrateġija l-ġdida dwar it-traffikar ta' bnedmin;

o

o o

81.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2019)0066.

(3)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(4)  ĠU L 18, 21.1.2012, p. 7.

(5)  ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(6)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 9.

(7)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

(8)  ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17.

(9)  ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0286.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2019)0080.

(12)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 47.

(13)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 61.

(14)  ĠU C 285, 29.8.2017, p. 78.

(15)  Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea – “Implementation of Directive 2011/36/EU: Migration and gender issues” (Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE: Kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-ġeneru), Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post, 15 ta' Settembru 2020.

(16)  It-Tielet rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2020) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (COM(2020)0661.)

(17)  COM(2020)0661.

(18)  Data Collection on Trafficking in Human Beings in the EU (Ġbir ta' Data dwar it-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE) (2020).

(19)  COM(2020)0661, p. 1.

(20)  COM(2020)0661, p. 1.

(21)  https://www.europol.europa.eu/publications-documents/challenges-of-countering-human-trafficking-in-digital-era

(22)  https://www.europol.europa.eu/publications-documents/challenges-of-countering-human-trafficking-in-digital-era

(23)  Studju dwar l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u umani tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE (2020).

(24)  Severe labour exploitation: workers moving within or into the European Union (L-isfruttament gravi tal-ħaddiema: ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea jew lejn l-Unjoni Ewropea) http://fra.europa.eu/en/publication/2015/severe-labour-exploitation-workers-moving-within-or-european-union

(25)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta' April 2004 li għandha x'taqsam ma' kupens għal vittmi ta' delitti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 15).

(26)  Ir-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (GRETA) tal-Kunsill tal-Ewropa jinkludu l-iżgurar tal-applikazzjoni tal-NRM għal persuni li jfittxu l-ażil u persuni f'detenzjoni tal-immigrazzjoni.

(27)  Data Collection on Trafficking in Human Beings in the EU (Ġbir ta' Data dwar it-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE), 2020.

(28)  Europol, ir-Rapport tas-Sitwazzjoni “Trafficking in Human Beings in the EU” (It-Traffikar tal-Bnedmin fl-UE), 18 ta' Frar 2016.

(29)  COM(2018)0777, p. 6.

(30)  COM(2018)0777, p. 6.

(31)  It-Tielet rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2020) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (COM(2020)0661)

(32)  COM(2020)0661.

(33)  COM(2018)0777, p. 3.

(34)  Valutazzjoni tal-implimentazzjoni Ewropea – “Implementation of Directive 2011/36/EU: Migration and gender issues” (Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE: Kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-ġeneru), Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari, l-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post, 15 ta' Settembru 2020, p. 49./

(35)  Id-Disa' Rapport Ġenerali dwar l-attivitajiet tal-GRETA, p. 57.

(36)  Ir-raba' rapport annwali taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti tal-Europol (2020).

(37)  Valutazzjoni ta' theddid mill-kriminalità serja u organizzata (SOCTA) tal-2017 tal-Europol.

(38)  Europol, Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, Ir-Raba' Rapport Annwali tal-Attività, 2020.

(39)  It-tieni rapport ta' progress, COM(2018)0777, p. 29.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/47


P9_TA(2021)0042

Implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. (2020/2047(INI))

(2021/C 465/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fl-1948, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha, u b'mod partikolari d-dritt ta' non-refoulement,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 4, 6, 7, 18, 19, 20 u 47 tagħha,

wara li kkunsidra l-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (1) (id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil – APD),

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (RCD) (2),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju bejn il-Parlament u l-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riformulazzjoni tal-RCD,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (Dublin III) (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2020 intitolata “COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni” (C(2020)2516),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tas-Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari (EPRS) ta' Novembru 2020 dwar il-proċeduri tal-asil fuq il-fruntieri (5),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) ta' Settembru 2020 intitolat “Border Procedures for Asylum Applications in EU+ Countries” (Il-Proċeduri fuq il-Fruntiera għall-Applikazzjonijiet għall-Asil f'Pajjiżi tal-UE+) u l-pubblikazzjoni tal-EASO ta' Settembru 2019 intitolata “Guidance on asylum procedure: operational standards and indicators” (Gwida dwar il-proċedura tal-asil: indikaturi u standards operazzjonali),

wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2020 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

wara li kkunsidra l-Opinjoni 3/2019 tal-FRA tal-4 ta' Marzu 2019 intitolata “Update of the 2016 Opinion of the European Union Agency for Fundamental Rights on fundamental rights in the 'hotspots' set up in Greece and Italy” (Aġġornament tal-Opinjoni tal-2016 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar id-drittijiet fundamentali fil-“hotspots” stabbiliti fil-Greċja u fl-Italja),

wara li kkunsidra r-rapport tal-FRA tat-8 ta' Diċembru 2020 intitolat “Migration: Fundamental Rights Challenges at Land Borders” (Il-Migrazzjoni: Sfidi fil-qasam tad-Drittijiet Fundamentali fil-Fruntieri tal-Art),

wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida Rakkomandati dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Fruntiera Internazzjonali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0005/2021),

A.

billi din ir-riżoluzzjoni għandha l-għan li tipprovdi lill-koleġiżlaturi b'informazzjoni bbażata fuq l-evidenza dwar l-applikazzjoni attwali tal-proċeduri fuq il-fruntiera billi tivvaluta kif l-Istati Membri qed jimplimentaw l-Artikolu 43 tal-APD u d-dispożizzjonijiet relatati; billi din ir-riżoluzzjoni la hija maħsuba biex tissostitwixxi r-rapport ta' implimentazzjoni tal-APD sħiħ mill-Kummissjoni, li jmissha ilu li sar, u lanqas n-negozjati leġiżlattivi dwar il-proposta emendata għall-APR .

B.

billi data diżaggregata u komparabbli relatata mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tal-APD ta' spiss ma tinġabarx jew ma tkunx disponibbli għall-pubbliku; billi l-ispejjeż finanzjarji tal-proċeduri fuq il-fruntiera mhumiex disponibbli; billi ċ-ċaħda tal-libertà tista' tirriżulta f'kostijiet umani sinifikanti għall-individwi, b'mod partikolari jekk il-faċilitajiet ta' detenzjoni fil-fruntiera ma jkunux adegwati jew jekk is-salvagwardji proċedurali ma jiġux applikati jew jiġu applikati b'mod inadegwat;

C.

billi l-APD la tipprovdi definizzjoni ċara tal-proċeduri fuq il-fruntiera u lanqas ma tispeċifika l-objettivi tagħhom; billi l-Artikolu 43(1) tal-APD iħalli l-għażla tal-użu tal-proċeduri fuq il-fruntiera f'idejn l-Istati Membri; billi 14-il Stat Membru għandhom proċedura fuq il-fruntiera u, fosthom, tlieta mill-Istati Membri koperti mill-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS kienu qed jużaw motivi li jmorru lil hinn mill-APD; billi l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-ammissibbiltà u/jew proċeduri ta' eżami sostantivi fuq il-fruntiera jew f'żona ta' transitu f'ċirkostanzi definiti sew; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri jivvalutaw ukoll l-applikabbiltà ta' proċedura ta' Dublin fil-fruntiera jew f'żoni ta' tranżitu; billi l-proċeduri fuq il-fruntiera jirrappreżentaw biss perċentwal żgħir mill-volum ta' każijiet totali tal-awtoritajiet determinanti bl-eċċezzjoni tal-Greċja fejn aktar minn 50 % tal-applikazzjonijiet huma ttrattati permezz ta' proċedura rapida stabbilita insegwitu tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija;

D.

billi l-Artikolu 43 tal-APD ma jispeċifikax b'mod espliċitu f'liema fruntieri l-Istati Membri jistgħu jużaw proċeduri fuq il-fruntiera; billi l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS tqis li t-terminu “fruntiera” fl-artikolu msemmi hawn fuq għandu jinftiehem li jfisser il-fruntieri esterni tal-UE; billi żewġ Stati Membri japplikaw ukoll proċeduri fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, u jżommu l-applikanti f'faċilitajiet tal-pulizija;

E.

billi xi Stati Membri jżommu lill-applikanti għall-asil fi proċeduri fuq il-fruntiera mingħajr bażi ġuridika fid-dritt nazzjonali; billi minbarra s-salvagwardji insuffiċjenti għall-applikanti, dan jista' jirriżulta wkoll fiċ-ċaħda tad-dritt tal-Membri tal-Parlament li jżuru;

F.

billi d-detenzjoni fi proċeduri fuq il-fruntiera hija soġġetta għall-istess regoli bħad-detenzjoni ta' applikanti x'imkien ieħor fit-territorju ta' Stat Membru; billi l-RCD jistipula li l-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss fl-aħħar istanza wara li l-miżuri alternattivi kollha mhux ta' kustodja għad-detenzjoni jkunu ġew eżaminati kif xieraq, u li d-detenzjoni trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; billi, fejn id-detenzjoni tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju minnufih tal-legalità tad-detenzjoni li jiġi mwettaq ex officio u/jew fuq talba tal-applikant. billi għall-minorenni, l-Istati Membri jeħtiġilhom, skont il-qafas ġuridiku attwali, jagħmlu kull sforz biex jeħilsuhom mid-detenzjoni u jpoġġuhom f'akkomodazzjoni xierqa għall-minorenni;

G.

billi minkejja ż-żieda sinifikanti tal-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni tal-UE, ma hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni;

H.

billi għandhom jingħataw informazzjoni ċara u għajnuna adegwata liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew lill-persuni apolidi fil-proċeduri fuq il-fruntiera, inklużi għajnuna legali u arranġamenti ta' interpretazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed iressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

I.

billi l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS ikkonstatat li l-garanziji proċedurali previsti fl-APD, b'mod partikolari d-dritt għall-informazzjoni, l-għajnuna legali u l-interpretazzjoni, mhumiex applikati jew huma applikati biss b'mod restrittiv fil-prattika mill-Istati Membri eżaminati fil-valutazzjoni;

J.

billi l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS tiżvela diversi każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-APD; billi l-Kummissjoni nediet proċediment ta' ksur kontra żewġ Stati Membri biss;

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Jinnota li l-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kif ukoll skambji mal-Parlament u l-Istati Membri fit-tħejjija tal-Patt Ġdid dwar l-Asil u l-Migrazzjoni; jenfasizza madankollu li, minkejja l-obbligu ġuridiku ta' rapportar tagħha u r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni qatt ma ppreżentat rapport ta' implimentazzjoni dwar l-APD, u li fl-2016 u l-2020 hija ppreżentat proposti għal Regolament dwar il-Proċeduri tal-Asil mingħajr ma pprevediet valutazzjoni tal-impatt; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport, li ilu mistenni mill-2017;

2.

Itenni l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza biex jiggwida t-tfassil ta' politika koerenti;

3.

Jinnota li l-monitoraġġ u d-data statistika huma essenzjali biex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiġbru statistika dwar: (i) l-għadd ta' applikazzjonijiet ikkunsidrati fil-proċeduri fuq il-fruntiera u l-kategorija ta' applikanti kkonċernati; (ii) it-tipi ta' motivi li għalihom saret applikazzjoni għall-użu tal-proċedura fuq il-fruntiera u l-frekwenza tagħhom; (iii) l-eżiti tal-proċeduri fuq il-fruntiera, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, u (iv) l-għadd u l-kategoriji ta' persuni li ma jkunux imdaħħla fil-proċedura fuq il-fruntiera;

Il-kamp ta' applikazzjoni

4.

Jenfasizza li l-proċeduri fuq il-fruntiera attwalment jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għar-regola definita legalment li l-applikanti għall-asil għandhom dritt li jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru; jinnota li ħafna applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jsiru fil-fruntiera jew f'żona ta' tranżitu ta' Stat Membru qabel ma tittieħed deċiżjoni rigward id-dħul tal-applikant. jinnota li f'dawk il-każijiet l-Istati Membri jistgħu jipprevedu proċeduri fuq il-fruntiera biss fil-każijiet stabbiliti b'mod eżawrjenti fl-Artikoli 31(8) u 33 tal-APD u f'konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tal-APD; jinnota li t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-proċeduri fuq il-fruntiera skont l-APD ivarjaw bejn l-Istati Membri, u dan jirriżulta f'nuqqas ta' konformità madwar l-UE; jieħu nota tal-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw proċeduri fuq il-fruntiera f'għadd żgħir biss ta' każijiet u li diversi Stati Membri b'mod ġenerali joqogħdu lura milli jużaw proċeduri fuq il-fruntiera; jissottolinja, madankollu, li tlieta mis-seba' Stati Membri eżaminati fil-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS japplikaw proċeduri fuq il-fruntiera lil hinn mill-motivi previsti fl-Artikolu 43 tal-APD, u jistedinhom jastjenu milli jagħmlu dan; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri joqogħdu lura milli japplikaw proċeduri fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni;

5.

Jinnota li l-persuni kollha li jfittxu protezzjoni internazzjonali għandhom interess li t-talbiet tagħhom jiġu indirizzati malajr kemm jista' jkun u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, dment li l-applikazzjonijiet kollha jkunu soġġetti għal valutazzjoni individwali u li s-salvagwardji proċedurali u d-drittijiet mogħtija lill-applikanti skont id-dritt tal-Unjoni japplikaw u jkunu jistgħu jiġu eżerċitati b'mod effettiv;

Il-finzjoni ġuridika tan-nuqqas ta' dħul u detenzjoni

6.

Ifakkar li l-proċeduri fuq il-fruntiera jinvolvu l-eżami ta' applikazzjoni għall-asil fil-fruntiera jew f'żona ta' tranżitu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar id-dħul fit-territorju ta' Stat Membru; itenni li r-rifjut tad-dħul skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen irid ikun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt għall-asil u għall-protezzjoni internazzjonali; jinnota li, għalhekk, l-Istati Membri għandhom obbligu li jivvalutaw jekk applikant għall-asil għandux bżonn ta' protezzjoni;

7.

Jinnota, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 9(1) tal-APD l-applikanti jeħtiġilhom jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż fil-fruntiera jew fiż-żoni ta' tranżitu, li fihom tkun saret l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

8.

Jirrimarka li l-fatt li applikant ma jkunx daħal legalment fit-territorju tal-Istat Membru filwaqt li konkretament jibqa' f'dak it-territorju huwa finzjoni legali; jissottlinja li din il-finzjoni legali għandha impatt biss fuq id-dritt ta' dħul u ta' soġġorn, iżda ma tfissirx li l-applikant mhuwiex taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat;

9.

Jissottolinja li l-applikanti soġġetti għal proċeduri fuq il-fruntiera x'aktarx jitqiegħdu f'detenzjoni matul l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għall-asil; jirrimarka, barra minn hekk, li l-Istati Membri kollha eżaminati fil-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea mill-EPRS iżommu f'detenzjoni lill-applikanti għall-asil fil-qafas tal-proċeduri fuq il-fruntiera;

10.

Itenni li kif stipulat fl-RCD, l-Istati Membri ma jeħtiġilhomx iżommu persuna f'detenzjoni għall-unika raġuni li jkun jew tkun applikant, u li l-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali definiti sew; ifakkar fil-ftehim proviżorju konġunt tiegħu mal-Kunsill dwar ir-riformulazzjoni tal-RCD li jispeċifika li l-Istati Membri m'għandhomx iżommu applikant f'detenzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità tiegħu jew tagħha; jenfasizza li l-RCD jistipula li d-detenzjoni trid tibqa' miżura tal-aħħar istanza, iddum biss għal tul ta' żmien qasir kemm jista' jkun, u biss sakemm ikunu applikabbli l-motivi stabbiliti fl-Artikolu 8(3) tal-RCD, u li l-persuni detenuti jeħtiġilhom jingħataw l-opportunità li jappellaw kontra ċ-ċaħda tal-libertà tagħhom; itenni li d-dritt għal-libertà kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta u l-Artikolu 5 tal-KEDB japplika wkoll fil-fruntieri tal-UE; jiddispjaċih li ftit li xejn ġew żviluppati u applikati alternattivi għad-detenzjoni fil-proċeduri fuq il-fruntiera, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkunu disponibbli alternattivi għad-detenzjoni;

11.

Jinsab imħasseb li xi Stati Membri jżommu f'detenzjoni lill-applikanti għall-asil abbażi ta' proċeduri fuq il-fruntiera mingħajr bażi ġuridika rilevanti għad-detenzjoni skont il-proċeduri fuq il-fruntiera fid-dritt nazzjonali, peress li dan jista' jirriżulta f'salvagwardji insuffiċjenti; jenfasizza li jekk l-Istati Membri jagħżlu li jirrikorru għad-detenzjoni, huma għandhom jipprovdu bażi ġuridika għaliha fid-dritt nazzjonali;

12.

Ifakkar li fil-Kawżi Magħquda C-924/19 PPU u C-925/19 PPU, il-QĠUE iddeċidiet li anki jekk applikant ikun jista' jitlaq minn żona ta' tranżitu fid-direzzjoni ta' pajjiż terz, din is-sitwazzjoni tista' tiġi kklassifikata bħala detenzjoni;

13.

Huwa mħasseb ħafna dwar rapporti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni kundannabbli fiż-żoni ta' tranżitu jew iċ-ċentri tad-detenzjoni fiż-żoni tal-fruntieri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet ta' akkoljenza dinjitużi f'faċilitajiet tal-fruntiera f'konformità mal-istandards tal-RCD; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-applikanti li jinsabu f'detenzjoni għandhom jiġu ttrattati b'rispett sħiħ għad-dinjità umana tagħhom;

14.

Ifakkar li l-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta japplikaw l-APD, f'konformità mal-Karta u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. jinnota li l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal iċċara li t-tfal qatt m'għandhom jiġu detenuti għal raġunijiet ta' immigrazzjoni; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar l-APR li l-minorenni qatt m'għandhom jiġu detenuti abbażi ta' proċeduri fuq il-fruntiera, u li l-proċedura fuq il-fruntiera tista' tiġi applikata biss għall-minorenni meta jkun hemm alternattiva disponibbli għad-detenzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri li bħalissa qed japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera għall-minorenni biex jistabbilixxu alternattivi għad-detenzjoni skont l-aħjar interessi tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-proċeduri fuq il-fruntiera biss meta tali alternattivi li ma jinvolvux il-kustodja jkunu disponibbli;

Rifjut tad-dħul u monitoraġġ

15.

Jenfasizza s-sejbiet reċenti tal-FRA, b'mod partikolari li l-għadd tal-allegati drabi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali rrappurtati fil-fruntieri esterni żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin; jinnota li dan jinkludi ħafna każijiet ta' persuni li ma jitħallewx jidħlu mingħajr ma jiġu rreġistrati t-talbiet tagħhom għall-asil, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri fuq il-fruntiera; itenni li l-Istati Membri huma obbligati jipprevjenu l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, u jfakkar li dan l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali; jaqbel mal-FRA li r-regolarità u s-serjetà ta' dan il-ksur allegat jikkostitwixxu tħassib serju fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; itenni li r-rifjut tad-dħul awtomatiku, ir-refoulement u l-espulsjonijiet kollettivi huma pprojbiti fid-dritt internazzjonali u tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 8 tal-APD, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jinfurmaw lill-persuni dwar il-possibbiltà li japplikaw għall-asil jekk ikun hemm indikazzjonijiet ta' ħtiġijiet ta' protezzjoni, u li l-persuni soġġetti għal rifjut ta' dħul jeħtiġilhom jiġu żgurati aċċess għal rimedju effettiv f'konformità mad-dritt tal-UE u l-KEDB; jiddeplora l-każijiet kollha fejn l-Istati Membri jonqsu milli jirrispettaw l-obbligi tagħhom f'dan ir-rigward, u jistedinhom jikkonformaw bis-sħiħ ma' dawk l-obbligi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura b'mod effikaċi l-konformità tal-Istati Membri ma' dawn l-obbligi, inkluż billi tissospendi l-ħlas tal-UE f'każijiet ta' nuqqasijiet serji;

16.

Iqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti korpi ta' monitoraġġ indipendenti u jistieden lill-Istati Membri jagħtu lill-korpi ta' monitoraġġ aċċess mingħajr ostakli għall-faċilitajiet fuq il-fruntiera sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali u r-rapportar sistematiku tal-ksur, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tagħha dwar l-Isfidi fil-qasam tad-Drittijiet Fundamentali fil-Fruntieri tal-Art; jemmen li l-monitoraġġ indipendenti għandu jivverifika wkoll il-kwalità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-eżitu tiegħu, kif ukoll il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u l-konformità mas-salvagwardji proċedurali; iqis li istituzzjonijiet nazzjonali indipendenti u kompetenti tad-drittijiet tal-bniedem u NGOs, aġenziji tal-UE bħall-FRA, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNHCR għandhom ikunu parti mill-korpi ta' monitoraġġ;

Minorenni mhux akkumpanjati u applikanti vulnerabbli li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali fil-proċedura fuq il-fruntiera

17.

Jinnota li l-Artikolu 24 tal-APD jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jivvalutaw f'perjodu ta' żmien raġonevoli wara li ssir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jekk l-applikant huwiex applikant li jeħtieġ garanziji proċedurali speċjali, u li jeħtiġilhom ma japplikawx il-proċedura fuq il-fruntiera jekk tali garanziji ma jistgħux jiġu pprovduti fi ħdan il-qafas tagħha;

18.

Jenfasizza li filwaqt li l-Istati Membri stabbilew mekkaniżmi biex jidentifikaw applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali, dawn spiss ma jkunux effettivi fl-individwalizzazzjoni ta' tali ħtiġijiet u, meta jiġu identifikati l-ħtiġijiet, spiss jiġu vvalutati biss il-ħtiġijiet viżibbli; jinnota li l-identifikazzjoni effettiva u rapida tal-applikanti li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali tibqa' sfida; jenfasizza li l-persuni vulnerabbli huma intitolati li jkollhom il-ħtiġijiet tagħhom ta' garanziji proċedurali speċjali vvalutati, u, jekk jiġu applikati proċeduri fuq il-fruntiera għalihom, li jkollhom appoġġ adegwat ipprovdut skont id-dritt tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-applikanti kollha li jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali jiġu identifikati b'mod effettiv u jingħataw aċċess sħiħ għal dawn il-garanziji u l-appoġġ speċjali, kif stipulat fl-RCD; jenfasizza li fejn ma jistax jingħata appoġġ adegwat fil-qafas tal-proċedura fuq il-fruntiera, jew fejn l-awtorità determinanti tqis li l-applikant jeħtieġ garanziji proċedurali speċifiċi li jagħtu attenzjoni partikolari lill-vittmi ta' tortura, stupru jew forom serji oħra ta' vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali jew vjolenza abbażi tas-sess, l-awtorità determinanti jeħtiġilha ma tapplikax, jew jeħtiġilha tieqaf milli tapplika, dawn il-proċeduri għall-applikant;

19.

Ifakkar li l-Artikolu 25(6)(b) tal-APD jippreskrivi sett limitat ħafna ta' ċirkostanzi li jippermettu lill-Istati Membri jipproċessaw l-applikazzjonijiet ta' minorenni mhux akkumpanjati fil-qafas ta' proċedura fuq il-fruntiera; jenfasizza li l-Istati Membri eżaminati ma implimentawx metodi adegwati għall-valutazzjoni tal-età; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-konformità mal-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll jipproteġu lit-tfal, inklużi l-vittmi tat-traffikar; jenfasizza li l-APD jipprovdi lill-Istati Membri bl-għażla li jeżentaw minorenni mhux akkumpanjati mill-proċedura fuq il-fruntiera u li jipproċessaw l-applikazzjonijiet tagħhom kif xieraq skont il-proċeduri regolari tal-asil; jistieden lill-Istati Membri jeżentaw lill-minorenni mhux akkumpanjati mill-proċeduri fuq il-fruntiera;

Salvagwardji proċedurali

20.

Jinnota li l-proċeduri fuq il-fruntiera huma proċeduri rapidi u jfakkar li, skont l-Artikolu 43 tal-APD, l-applikanti fil-proċeduri fuq il-fruntiera jgawdu l-istess drittijiet u garanziji bħall-applikanti fi proċeduri normali;

21.

Jenfasizza li ġew irrapportati problemi sinifikanti fir-rigward tal-aċċess għall-għajnuna legali u l-kwalità tagħha fl-Istati Membri kollha eżaminati; jenfasizza li l-għajnuna legali hija kruċjali biex jiġu żgurati proċeduri ekwi tal-asil; jirrakkomanda li l-għajnuna legali mingħajr ħlas għandha tkun diġà garantita fl-ewwel istanza, hekk kif l-applikazzjoni għall-asil tiġi rreġistrata; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu wkoll aċċess effettiv għall-għajnuna legali fil-prattika, u jiżguraw id-disponibbiltà ta' konsulenti legali suffiċjenti u kwalifikati;

22.

Jinnota li l-APD tipprovdi lill-Istati Membri l-għażla li jippermettu lill-NGOs jaċċedu l-proċedura fuq il-fruntiera li għandha tkun ta' assistenza għall-applikanti; jesprimi dispjaċir li, fil-qafas tal-proċeduri fuq il-fruntiera, ħafna Stati Membri ma jirregolawx tali aċċess għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi speċjalizzati fil-faċilitajiet fil-fruntieri, punti ta' qsim u żoni ta' tranżitu, li jista' jkollhom rwol ewlieni fl-iżgurar tad-drittijiet ġuridiċi u proċedurali tal-applikanti u jistgħu jtejbu l-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza;

23.

Jisħaq fuq il-fatt li l-proċeduri fuq il-fruntiera huma kkaratterizzati minn taħlita ta' limiti taż-żmien proċedurali qosra u detenzjoni; iqis li hemm bżonn ta' limiti ta' żmien proċedurali effiċjenti sabiex tiġi minimizzata ċ-ċaħda temporanja tal-libertà ta' moviment jekk il-persuni jiġu detenuti; ifakkar li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu limiti ta' żmien iqsar, iżda raġonevoli, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' eżami adegwat u komplet u għall-aċċess effettiv tal-applikant għall-garanziji u l-prinċipji bażiċi previsti fl-APD; jinnota li l-limitu ta' żmien għal deċiżjoni abbażi ta' proċedura fuq il-fruntiera jvarja fost l-Istati Membri minn jumejn sa 28 jum, u għall-preżentazzjoni ta' appell minn jumejn sa sebat ijiem; jirrimarka li limiti ta' żmien qosra jistgħu jkunu ta' sfida għal tħejjija bir-reqqa tal-intervista jew appell u għalhekk għal applikazzjoni ġusta tal-proċedura, speċjalment jekk is-salvagwardji proċedurali stabbiliti fl-APD ma jiġux applikati b'mod effettiv;

24.

Itenni l-obbligi tal-Istati Membri li jipprovdu lill-applikanti aċċess għal assistenza, rappreżentanza u informazzjoni proċedurali kif stipulat fl-APD; jenfasizza l-ħtieġa li l-applikanti jkollhom aċċess f'waqtu għal informazzjoni adegwata u li tista' tinftiehem dwar il-proċeduri fuq il-fruntiera u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jirrimarka li l-interpretazzjoni għandha tiġi pprovduta personalment u fl-istadji kollha tal-proċedura fuq il-fruntiera; ifakkar li l-intervisti personali huma r-riżultat tal-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu lill-applikanti opportunità effettiva biex jippreżentaw il-motivi tal-applikazzjonijiet tagħhom u l-elementi prinċipali tal-proċedura ta' eżami, u jridu jitwettqu minn persunal imħarreġ b'mod adegwat; jenfasizza li l-applikanti għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju l-intervista; jinnota bi tħassib li l-Istati Membri eżaminati fil-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-APD relatati mas-salvagwardji proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri fuq il-fruntiera, u jenfasizza li d-diffikultajiet tal-applikanti biex jaċċedu s-salvagwardji proċedurali jista' jkollhom riperkussjonijiet serji fuq id-drittijiet tagħhom garantiti fil-Karta; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u japplikaw bis-sħiħ is-salvagwardji stabbiliti fl-APD;

25.

Jirrikonoxxi li l-APD tħalli f'idejn l-Istati Membri d-deċiżjoni dwar jekk l-appelli jkollhomx effett sospensiv awtomatiku; ifakkar, madankollu, li l-QĠUE rrikonoxxiet li appell kontra deċiżjoni ta' ritorn, li l-infurzar tagħha jista' jesponi liċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat għal riskju serju ta' refoulement, irid jkollu effett sospensiv;

Proċeduri fuq il-fruntiera u għadd kbir ta' wasliet

26.

Jisħaq li f'konformità mal-Artikolu 43(3) tal-APD, fil-każ ta' wasliet li jkunu jinvolvu għadd kbir ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jressqu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntiera jew f'żona ta' tranżitu, dawk il-proċeduri jistgħu jiġu applikati wkoll fejn u sakemm dawn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi jiġu akkomodati, normalment f'postijiet qrib il-fruntiera jew iż-żona ta' tranżitu;

27.

Ifakkar li s-salvagwardji stabbiliti fil-Kapitolu II tal-APD japplikaw ukoll fil-każ ta' għadd kbir ta' wasliet; iqis li persunal u riżorsi suffiċjenti huma essenzjali f'dan ir-rigward; jinnota bi tħassib li f'dawn il-każijiet, l-applikazzjoni korretta tal-proċeduri fuq il-fruntiera tista' tkun diffiċli, tista' toħloq riskju ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u tqajjem tħassib dwar l-effiċjenza;

28.

Jikkondividi t-tħassib espress mill-FRA, mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, u mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti dwar ir-rispett għall-garanziji proċedurali u d-drittijiet fundamentali fi proċeduri rapidi fuq il-fruntiera użati fil-gżejjer Griegi; jiddispjaċih dwar l-eżistenza tan-nuqqasijiet serji fil-qasam tad-drittijiet fundamentali f'dawk il-hotspots Ewropej identifikati mill-FRA;

29.

Jinnota li l-aġenziji tal-UE jistgħu jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-każ ta' wasla ta' għadd kbir ta' persuni li jfittxu l-asil fil-punti tad-dħul fil-fruntiera, biex tiġi żgurata proċedura rapida u ġusta għall-applikanti kollha; jinnota b'mod partikolari li l-EASO jista' jagħti appoġġ operattiv f'diversi stadji tal-proċedura tal-asil, u li l-Frontex tista' tgħin fl-iskrinjar, l-identifikazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba'; jinnota li s'issa l-EASO pprovda assistenza fil-Greċja biss fil-qafas tal-hekk imsejħa proċedura rapida fuq il-fruntiera għall-gżejjer; jirrimarka, barra minn hekk, li sar titjib, iżda li għad hemm nuqqasijiet serji, bħal tul medju ta' diversi xhur għall-proċeduri fuq il-fruntiera; jittama li l-Aġenzija tal-UE għall-Asil prevista tikkontribwixxi fl-indirizzar ta' dawn in-nuqqasijiet;

Applikazzjoni tal-proċeduri fuq il-fruntiera

30.

Ifakkar li l-applikazzjoni tal-proċeduri fuq il-fruntiera tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri; itenni li jekk l-Istati Membri japplikaw proċeduri fuq il-fruntiera, huma għandhom jipprevedu kundizzjonijiet li jiżguraw proċedura ġusta u adegwata kif ukoll ċarezza rapida dwar l-eżitu tagħha lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali; jinnota li, b'mod partikolari f'każijiet aktar kumplessi, l-effettività tal-garanziji proċedurali, bħad-dritt għall-għajnuna legali, tista' tiddgħajjef; jenfasizza li proċeduri u salvagwardji proċedurali effiċjenti jeħtieġ li jimxu id f'id; jenfasizza li meta deċiżjoni ma tkunx tista' tittieħed fi żmien ta' mhux aktar minn erba' ġimgħat, l-applikazzjoni għandha tiġi pproċessata f'konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-APD; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ fid-dritt u fil-prattika mas-salvagwardji proċedurali stipulati fl-APD;

31.

Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw b'mod kontinwu l-aħjar prattiki dwar l-applikazzjoni korretta tal-proċeduri fuq il-fruntiera fis-seħħ bħalissa, u wkoll li jaqsmuhom mal-Kummissjoni;

32.

Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod kritiku jekk il-kapaċità operattiva attwali tagħhom hijiex biżżejjed biex jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi tagħhom fil-proċeduri fuq il-fruntiera; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni u l-assistenza operattivi fejn ikun meħtieġ;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod effettiv l-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 u d-dispożizzjonijiet relatati tal-APD u tieħu azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità anki billi tniedi proċedimenti ta' ksur fejn ikun xieraq;

o

o o

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60.

(2)  ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96.

(3)  ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

(4)  ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31.

(5)  W. van Ballegooij, K. Eisele, “Asylum procedures at the border, European Implementation Assessment”, (Proċeduri tal-asil fil-fruntiera, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea), Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, 2020.

(6)  ĠU C 76, 9.3.2020, p. 86.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/54


P9_TA(2021)0043

Aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2016-2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (Artikolu 122(7)) – Rapport annwali għas-snin 2016-2018 (2019/2198(INI))

(2021/C 465/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 1, 9, 10, 11 u 16 TUE u l-Artikolu 15 TFUE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari l-Artikoli 41 u 42 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE (4),

wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-Ombudsman Ewropew u r-Rapport Speċjali tagħha fl-inkjesta strateġika OI/2/2017 dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE (5),

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament tal-2016, l-2017 u l-2018 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 (7),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi tal-President Ursula von der Leyen għall-Kummissjoni 2019-2024,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 122(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0004/2021),

A.

billi, skont it-Trattati, l-Unjoni “għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet […] tagħha” (l-Artikolu 9 TUE); billi “[k]ull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni” u “[…]d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin” (l-Artikolu 10(3) TUE, interpretat fid-dawl tat-13-il premessa tal-preambolu tiegħu u l-Artikoli 1(2) u 9 tiegħu);

B.

billi l-Artikolu 15 TFUE jistipula li “[s]abiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ” u “[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni[…]”;

C.

billi d-dritt tal-aċċess għad-dokumenti, u l-istatus tiegħu bħala dritt fundamentali, huwa enfasizzat ulterjorment mill-Artikolu 42 tal-Karta, li issa tgawdi “[…] l-istess valur legali bħat-Trattati” (Artikolu 6(1) TUE); billi d-dritt tal-aċċess għad-dokumenti jippermetti liċ-ċittadini jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom li jiskrutinizzaw il-ħidma u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE, b'mod partikolari l-proċess leġiżlattiv;

D.

billi l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE għandu jkun konformi mal-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex ikollhom fil-mira l-ogħla standards possibbli fil-qasam tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità; billi dawn il-prinċipji gwida huma komponenti essenzjali fil-promozzjoni tal-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-iżgurar ta' aċċessibbiltà akbar fil-funzjonament tal-UE u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha; billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hija fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza tajba u għat-tfassil effikaċi tal-politika; billi t-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti għandhom ikunu garantiti wkoll fir-rigward tal-mod li bih jiġu implimentati l-politiki tal-UE fil-livelli kollha u kif jintużaw il-fondi tal-UE; billi l-ftuħ u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma indispensabbli għall-promozzjoni tal-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE; billi, skont il-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu u jsegwu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-Parlament Ewropew jaħdem bi grad għoli ta' trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva tiegħu, inkluż fil-fażi tal-kumitati, li jagħmilha possibbli li ċ-ċittadini, il-midja u l-partijiet ikkonċernati jaraw kif u għaliex jittieħdu d-deċiżjonijiet u li jidentifikaw b'mod ċar il-pożizzjonijiet differenti fi ħdan il-Parlament u l-oriġini ta' proposti speċifiċi, kif ukoll li jsegwu l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali;

E.

billi skont l-Artikolu 16(8) TUE, il-Kunsill jeħtieġlu jiltaqa' fil-pubbliku meta jkun qed jiddelibera u jivvota dwar abbozz ta' att leġiżlattiv; billi skont l-Ombudsman il-prattika attwali tal-immarkar tal-biċċa l-kbira tad-dokumenti preparatorji fi proċeduri leġiżlattivi li jkunu għaddejjin bħala “LIMITE” tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata fuq id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom l-usa' aċċess possibbli għad-dokumenti leġiżlattivi (8); billi n-nuqqas ta' impenn mill-Kunsill li jiżgura t-trasparenza jirrifletti nuqqas ta' obbligu ta' rendikont fir-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur tal-UE;

F.

billi l-punti ta' tħassib ewlenin fl-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2018 kienu t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (24,6 %), segwiti mill-kultura tas-servizz (19,8 %) u l-użu xieraq tad-diskrezzjoni (16,1 %); billi punti ta' tħassib oħra kienu jinkludu r-rispett tad-drittijiet proċedurali, bħad-dritt li tiġi mismugħ, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fi proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-offerti, l-għotjiet u l-kuntratti tal-UE, u r-reklutaġġ u l-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-UE;

G.

billi fl-2018 l-Ombudsman varat sit web ġdid li jinkludi interfaċċa riveduta u faċli għall-utent għall-ilmentaturi potenzjali; billi l-proċedura “rapida” tal-Ombudsman għat-trattament tal-ilmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tirrifletti l-impenn tal-Ombudsman li tipprovdi għajnuna u tieħu deċiżjonijiet malajr għal dawk li qed ifittxu l-għajnuna;

H.

billi l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman OI/2/2017/TE sabet li n-nuqqas ta' trasparenza tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u l-prattiki attwali tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu, b'mod speċifiku waqt il-fażi preparatorja fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, inklużi l-kumitati, il-gruppi ta' ħidma u l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tiegħu, jikkostitwixxu każ ta' amministrazzjoni ħażina; billi fis-16 ta' Mejju 2018, wara r-riluttanza tal-Kunsill li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha, l-Ombudsman ippreżentat ir-Rapport Speċjali OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill lill-Parlament; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman, il-Parlament approva r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

I.

billi fil-każ 1302/2017/MH dwar kif il-Kummissjoni ttrattat talba għal aċċess pubbliku għall-opinjonijiet tas-Servizz Legali tagħha dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza, l-Ombudsman sabet li r-rifjut kontinwu tal-Kummissjoni li tagħti aċċess usa' għad-dokumenti ikkostitwixxa amministrazzjoni ħażina minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli tkun kemm jista' jkun miftuħa u disponibbli dwar dik l-istess miżura mmirata biex tippromwovi t-trasparenza bħala mezz biex jinkisbu leġittimità u obbligu ta' rendikont akbar tal-UE;

It-trasparenza minn perspettiva usa'

1.

Huwa determinat b'mod riżolut fl-isforzi tiegħu li jressaq liċ-ċittadini eqreb lejn il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu; jenfasizza li t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont huma fundamentali biex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-attivitajiet politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi tal-UE; jisħaq li l-Artikolu 10(3) TUE jirrikonoxxi d-demokrazija parteċipattiva bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi ewlenin tal-UE, u b'hekk jenfasizza li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu b'mod kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini; ifakkar li t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropew li jkun kompletament demokratiku u trasparenti ħafna huwa indispensabbli biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza n-neċessità li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jimxu 'l quddiem b'livell simili ta' trasparenza;

2.

Jinnota b'sodisfazzjon in-nomina ta' Kummissarju responsabbli għat-trasparenza bil-missjoni li jintroduċi trasparenza akbar fil-proċess leġiżlattiv fl-istituzzjonijiet Ewropej;

3.

Ifakkar li l-Parlament jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini Ewropej b'mod miftuħ u trasparenti bl-għan li jżommhom infurmati b'kollox, kif ikkonfermat mill-Ombudsman, u jieħu nota tal-progress li sar mill-Kummissjoni fit-titjib tal-istandards ta' trasparenza tagħha; jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li minkejja l-appelli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u tal-Ombudsman, il-Kunsill għadu ma implimentax standards komparabbli u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill għad jonqsu ħafna biex ikun trasparenti; jistieden lill-Kunsill jimplimenta fil-prattika d-deċiżjonijiet rilevanti tal-QĠUE u ma jevitahomx; japprezza l-prattiki tajba ta' ċerti presidenzi tal-Kunsill kif ukoll ta' ċerti Stati Membri fil-pubblikazzjoni tad-dokumenti tal-Kunsill, inklużi l-proposti tal-presidenzi tal-Kunsill;

4.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, wara l-ftuħ mill-Ombudsman tal-każ 1011/2015/TN, li japplika r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għal dokumenti miżmuma mis-Segretarjat Ġenerali tiegħu fir-rigward ta' kompiti ta' appoġġ għal diversi korpi u entitajiet intergovernattivi, bħall-opinjonijiet tal-bord inkwistjoni rigward l-idoneità tal-kandidati li jwettqu d-dmirijiet ta' Mħallef u ta' Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-UE; ifaħħar l-opinjoni tal-Ombudsman li skontha għandha tingħata prijorità lit-trasparenza akbar rigward il-kwistjoni ta' kif jinstab il-bilanċ korrett bejn il-ħtieġa li tiġi protetta d-data personali ta' persuni li qed jiġu vvalutati għal kariga pubblika għolja u l-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza massima waqt il-proċedura tal-ħatriet għal karigi pubbliċi għoljin;

5.

Jiddispjaċih dwar il-prattika rikorrenti tal-Kummissjoni li spiss tipprovdi biss ammont limitat ħafna ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE lill-Parlament; jistieden lill-istituzzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali u jippubblikaw din l-informazzjoni b'mod proattiv; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni tirrifjuta li tippubblika statistika li tindika l-effikaċja tal-politiki tal-UE u dan ixekkel kwalunkwe skrutinju pubbliku tal-politiki u għandu impatt sinifikanti fuq id-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar proattiva fil-pubblikazzjoni ta' tali statistika sabiex tagħti prova li l-politiki huma neċessarji u proporzjonati għall-ilħiq tal-objettiv tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar trasparenti fir-rigward tal-kuntratti ma' partijiet terzi; jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar proattiva fil-pubblikazzjoni ta' ammont kbir ta' informazzjoni kemm jista' jkun dwar il-proċessi tal-offerti meta mqabbel mal-prattiki attwali tagħha;

6.

Jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri meħuda biex tissaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-proċeduri ta' ksur; jitlob, b'mod partikolari, li d-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri b'rabta ma' tali proċeduri u r-risposti relatati jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

7.

Jisħaq li l-ftehimiet internazzjonali huma legalment vinkolanti u għandhom impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE, u jissottolinja l-ħtieġa li n-negozjati jkunu trasparenti matul il-proċess kollu kemm hu; ifakkar li skont l-Artikolu 218 TFUE, il-Parlament jeħtieġlu jkun infurmat bis-sħiħ u immedjatament f'kull stadju waqt li jkunu għaddejjin in-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura konformità sħiħa mal-Artikolu 218 TFUE;

8.

Jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jinsistu li jsiru laqgħat bil-magħluq mingħajr ġustifikazzjoni xierqa; iqis li t-talbiet għal laqgħat bil-magħluq għandhom jiġu evalwati kif xieraq; jitlob kriterji u regoli ċari li jirregolaw it-talbiet għal sessjonijiet bil-magħluq fl-istituzzjonijiet tal-UE;

9.

Jirrimarka li t-tfassil trasparenti tal-liġijiet huwa tal-akbar importanza għaċ-ċittadini u huwa mod importanti kif tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet; jilqa' l-Ftehim Interistituzzjonali tal-2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (FII), u l-impenn li hemm fih mit-tliet istituzzjonijiet li jiżguraw it-trasparenza tal-proċeduri leġiżlattivi fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti, inkluż it-trattament xieraq tan-negozjati trilaterali;

10.

Jistieden lill-istituzzjonijiet ikomplu bid-diskussjonijiet dwar passi lejn l-istabbiliment ta' bażi tad-data konġunta u li tkun faċli għall-utent dwar is-sitwazzjoni attwali tal-fajls leġiżlattivi (Bażi tad-Data Leġiżlattiva Konġunta) kif miftiehem fil-FII dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar;

11.

Jilqa' l-inizjattivi li diġà ġew varati li jindirizzaw id-domanda pubblika għal aktar trasparenza, bħar-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati li ġie varat f'Diċembru 2017 bħala għodda konġunta tal-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill li tagħti aċċess għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-atti delegati;

12.

Jirrimarka li t-trasparenza tal-proċeduri ta' kumitat u l-aċċessibbiltà tar-reġistru tal-proċeduri ta' kumitat għandhom jiżdiedu aktar u li għandhom isiru bidliet fil-kontenut tiegħu sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza akbar rigward il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja li t-titjib tal-funzjonijiet tat-tiftix tar-reġistru biex ikun possibbli li t-tiftix isir skont il-qasam ta' politika għandu jkun kostitwent essenzjali ta' dan il-proċess;

13.

Jilqa' l-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdid għall-membri tal-Kummissjoni, li daħal fis-seħħ fi Frar 2018, u li jżid it-trasparenza primarjament fir-rigward tal-laqgħat li jsiru bejn il-Kummissarji u r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess, kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-vjaġġi fuq xogħol tal-Kummissarji individwali; jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-Kunsill għadu m'adottax kodiċi ta' kondotta għall-membri tiegħu u jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta tali kodiċi mingħajr aktar dewmien; jinsisti li l-Kunsill irid ikun responsabbli u trasparenti bħalma daqs l-istituzzjonijiet l-oħra;

14.

Ifakkar fir-Regoli ta' Proċedura riveduti tiegħu, li jistiednu lill-Membri jadottaw il-prattika sistematika li jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li jkunu rreġistraw fir-Reġistru ta' Trasparenza; ifakkar ukoll li l-Membri huma mistiedna jippubblikaw online il-laqgħat skedati kollha mar-rappreżentanti tal-gruppi ta' interess li jaqgħu taħt ir-Reġistru ta' Trasparenza, filwaqt li r-rapporteurs, ix-shadow rapporteurs u l-presidenti tal-kumitati huma obbligati, għal kull rapport, jippubblikaw online il-laqgħat skedati kollha ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li jaqgħu fl-ambitu tar-Reġistru ta' Trasparenza; jinnota f'dan il-kuntest, madankollu, li r-rappreżentanti eletti huma liberi li jiltaqgħu ma' kwalunkwe persuna li huma jqisu rilevanti u importanti għall-ħidma politika tagħhom, mingħajr restrizzjonijiet;

15.

Iqis li l-mod attwali kif tinstab informazzjoni dwar ix-xejriet tal-votazzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, permezz ta' fajls PDF li jkopru mijiet ta' voti fuq is-sit web tal-Parlament, mhuwiex faċli għall-utent u ma jikkontribwixxix għat-trasparenza tal-UE; jitlob sistema faċli għall-utent fejn għal kull votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet it-test li ttieħed vot dwaru u r-riżultati tal-votazzjoni jkunu jistgħu jiġu ffiltrati skont il-grupp u għal kull MEP, u għalhekk ikunu viżibbli fl-istess ħin;

16.

Jilqa' pożittivament il-fatt li n-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal FII dwar Reġistru ta' Trasparenza obbligatorju (COM(2016)0627) fl-aħħar ġew konklużi, u jħeġġeġ lit-tliet istituzzjonijiet biex jimplimentawh b'mod rapidu; jenfasizza li sabiex jinżamm livell għoli ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej fost iċ-ċittadini, hija meħtieġa aktar trasparenza fir-rigward tal-laqgħat organizzati fi ħdan l-istituzzjonijiet;

17.

Jinkoraġġixxi wkoll lill-membri tal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jimmiraw għal trasparenza akbar fir-rigward tal-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti tal-gruppi ta' interess peress li, meta jkunu qed jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tal-UE, huma jagħmlu parti mil-leġiżlatura tal-UE fis-sens usa';

Aċċess għad-dokumenti

18.

Ifakkar li d-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa dritt fundamentali mnaqqax fit-Trattati u fil-Karta u huwa marbut indissolubilment man-natura demokratika tal-istituzzjonijiet; jenfasizza li l-aktar eżerċizzju wiesa' ta' dan id-dritt fl-aktar stadju bikri huwa essenzjali, peress li jiżgura l-iskrutinju demokratiku tal-ħidma u l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet politiċi hija element fundamentali ewlieni tad-demokraziji rappreżentattivi;

19.

Ifakkar fl-appelli li għamel fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti; jiddispjaċih għall-fatt li ma kien hemm l-ebda segwitu xieraq mill-Kummissjoni u mill-Kunsill għal għadd ta' proposti li saru mill-Parlament;

20.

Jinnota li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu r-regola, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u li, kif diġà ġie stipulat mill-preċedenti stabbiliti b'mod konsistenti tal-QĠUE, l-eċċezzjonijiet għal dik ir-regola għandhom jiġu interpretati strettament, filwaqt li jitqies l-interess preponderanti tal-pubbliku fl-iżvelar tad-dokumenti;

21.

Itenni l-importanza li d-dokumenti ma jiġux ikklassifikati żżejjed, peress li dan jista' jkun ta' detriment għall-iskrutinju pubbliku; jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-dokumenti uffiċjali sikwit jiġu kklassifikati żżejjed; itenni l-pożizzjoni tiegħu li għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari u uniformi għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti;

22.

Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni qed tiffaċċja l-akbar numru ta' applikazzjonijiet inizjali (6 912 fl-2018) li jinvolvu dokumenti speċifiċi, segwita mill-Kunsill (2 474 fl-2018) u mill-Parlament (498 fl-2018); jirrikonoxxi r-rata globali ta' rispons pożittiv (fl-2018 iċ-ċifri kienu ta' 80 % għall-Kummissjoni, 72,2 % għall-Kunsill u 96 % għall-Parlament);

23.

Jinnota b'interess li r-raġunijiet ewlenin għar-rifjut huma bbażati fuq il-ħtieġa li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, il-privatezza u l-integrità tal-individwi, u l-interessi kummerċjali ta' persuna fiżika jew ġuridika speċifika jiġu protetti; jinnota wkoll li għall-Parlament, il-protezzjoni tal-parir legali kienet ukoll raġuni rilevanti f'każijiet fejn prinċipalment intalbu dokumenti tal-Bureau, filwaqt li għall-Kummissjoni, it-twettiq ta' spezzjonijiet, investigazzjonijiet u awditi, u s-sigurtà pubblika kienu wkoll raġunijiet rilevanti biex jiġi rifjutat l-aċċess għad-dokumenti;

24.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kawża C-213/15 P (Il-Kummissjoni vs Patrick Breyer), fejn il-Qorti kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fejn sabet li l-Kummissjoni ma tista' tirrifjuta l-aċċess għall-ebda sottomissjoni bil-miktub tal-Istati Membri miżmuma minnha, għar-raġuni unika li hija dokument relatat mal-proċedimenti tal-qorti; jinnota li l-Qorti tqis li kwalunkwe deċiżjoni dwar applikazzjoni bħal din għall-aċċess jeħtieġ tittieħed abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u li d-dokumenti marbuta mal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala kwistjoni ta' prinċipju, ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, meta jkunu fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-UE elenkati fir-Regolament, bħall-Kummissjoni f'dan il-każ speċifiku;

25.

Jappoġġja t-talba magħmula mis-soċjetà ċivili (9) li s-seduti pubbliċi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jiġu mxandra b'mod dirett, kif diġà huwa l-każ għal xi qrati nazzjonali u internazzjonali, bħal pereżempju l-Conseil Constitutionnel fi Franza u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

26.

Ifakkar fl-appelli tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2014-2015;

27.

Ifakkar li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ilha mblukkata mill-2012, u jinnota b'dispjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirtira din il-proposta; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jerġgħu jidħlu fil-proċess u jkomplu jaħdmu fuq ir-reviżjoni sabiex jadattaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għat-Trattat ta' Lisbona u jiżguraw li l-kamp ta' applikazzjoni jestendi għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE, bl-għan aħħari li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw aċċess usa' u mtejjeb għad-dokumenti tal-UE;

28.

Jirrimarka li, b'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-TUE u tat-TFUE, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti jappartjeni lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE, kif iddikjarat fl-Artikolu 15(3) TFUE; jemmen li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jiġi emendat u mmodernizzat biex jinġieb konformi mat-Trattati, sabiex issir reazzjoni għall-iżviluppi li seħħew f'dan il-qasam u fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE u l-QEDB; iħeġġeġ, għalhekk, lit-tliet istituzzjonijiet jaħdmu b'mod kostruttiv sabiex tinkiseb l-adozzjoni ta' Regolament rivedut;

29.

Jisħaq li l-garanzija li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu, isegwu fid-dettall u jipparteċipaw fil-progress tal-leġiżlazzjoni huwa rekwiżit ġuridiku skont it-Trattati u rekwiżit bażiku għall-iskrutinju demokratiku u għad-demokrazija inġenerali; iqis li fejn dokumenti jiġu maħluqa fil-qafas tat-trilogi, bħal pereżempju aġendi, sommarji tal-eżiti, minuti u approċċi ġenerali fil-Kunsill, fejn ikunu disponibbli u fil-format li fih huma disponibbli, dawn id-dokumenti huma relatati ma' proċeduri leġiżlattivi u ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b'mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra;

30.

Jenfasizza l-importanza tat-transparenza u tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti; jenfasizza li livell għoli ta' trasparenza fil-proċess leġiżlattiv huwa essenzjali biex iċ-ċittadini, il-midja, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra jkunu jistgħu jżommu lill-uffiċjali u lill-gvernijiet eletti tagħhom responsabbli ta' għemilhom; jirrikonoxxi r-rwol prezzjuż li l-Ombudsman jaqdi biex jikkoordina u jaġixxi bħala medjatur bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini, u jenfasizza l-ħidma tal-Ombudsman biex il-proċess leġiżlattiv tal-UE jsir aktar responsabbli lejn il-pubbliku;

31.

Ifakkar li, skont l-Ombudsman, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għad-dokumenti, b'mod partikolari d-dokumenti leġiżlattivi, għandhom ikunu eċċezzjonali u limitati għal dak li huwa assolutament neċessarju; jilqa' l-proċedura rapida tal-Ombudsman għall-aċċess għad-dokumenti, iżda jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tagħha mhumiex legalment vinkolanti;

32.

Jinnota li kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad l-aċċess pubbliku għad-dokumenti trid tkun ibbażata fuq eżenzjonijiet legali definiti b'mod ċar u strett, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni motivata u speċifika, li tippermetti liċ-ċittadini jifhmu ċ-ċaħda għall-aċċess u jagħmlu użu effettiv mir-rimedji legali disponibbli; jinnota bi tħassib li bħalissa l-uniku perkors legali miftuħ għaċ-ċittadini biex jikkontestaw rifjut ta' talba għal aċċess għal dokumenti huwa li jieħdu azzjoni legali fil-QĠUE, li tinvolvi proċessi twal ħafna, ir-riskju ta' spejjeż kbar u eżitu inċert, u tpoġġi piż li mhuwiex raġonevoli fuq iċ-ċittadini li jikkontestaw xi deċiżjoni, b'tali mod li tiskoraġġihom milli jieħdu dan il-pass;

33.

Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE jadottaw proċeduri aktar rapidi, anqas ikkumplikati u aktar aċċessibbli fejn tidħol il-ġestjoni tal-ilmenti kontra ċ-ċaħda tal-għoti ta' aċċess; iqis li approċċ aktar proattiv jgħin biex tiġi żgurata trasparenza effettiva, kif ukoll biex jiġi prevenut tilwim legali bla bżonn li jista' jikkawża spejjeż u piżijiet mhux meħtieġa kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-istituzzjonijiet; iqis li ċ-ċittadini m'għandhomx jinżammu milli jikkontestaw deċiżjonijiet minħabba nuqqas ta' mezzi; ifakkar fil-possibbiltà li dak li jkun japplika għall-għajnuna legali kif minqux fil-Karta; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jżommu lura milli jitolbu lill-parti opposta tħallas l-ispejjeż tal-kawżi tal-qorti;

34.

Ifakkar, f'dan il-kuntest, fid-deċiżjoni tal-Ombudsman datata d-19 ta' Diċembru 2017, fil-każ 682/2014/JF fejn ir-rekwiżit tal-Kummissjoni li l-persuni kollha li jitolbu aċċess pubbliku għad-dokumenti jeħtiġilhom jipprovdu l-indirizz postali tagħhom għall-arranġamenti tagħha biex tibgħat id-dokumenti bil-posta huwa amministrazzjoni ħażina, u jenfasizza li l-insistenza fuq talbiet imġedda u formalitajiet proċedurali, meta ma jkunux meħtieġa u ma jservu l-ebda għan utli ovvju, turi nuqqas ta' rispett għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

35.

Jiddispjaċih bil-kbir dwar il-fatt li l-Kunsill ma jippubblikax b'mod proattiv il-biċċa l-kbira tad-dokumenti relatati mal-fajls leġiżlattivi, u dan jipprevjeni liċ-ċittadini milli jkunu jafu liema dokumenti fil-fatt jeżistu u b'hekk ixekkel l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jitolbu aċċess għad-dokumenti; jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-informazzjoni disponibbli dwar id-dokumenti leġiżlattivi hija ppreżentata mill-Kunsill f'reġistru li mhuwiex komplet u li mhuwiex faċli għall-utent; jistieden lill-Kunsill jelenka d-dokumenti relatati mal-fajls leġiżlattivi f'reġistru pubbliku faċli għall-utent, u b'hekk jirrifletti bis-sħiħ l-interess pubbliku fit-trasparenza u jippermetti skrutinju leġittimu mhux biss miċ-ċittadini, iżda wkoll mill-parlamenti nazzjonali;

36.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jallinja l-metodi ta' ħidma tiegħu mal-istandards ta' demokrazija parlamentari u parteċipattiva kif meħtieġ skont it-Trattati, u jtenni li l-Kunsill jeħtieġlu jkun responsabbli u trasparenti daqs l-istituzzjonijiet l-oħra;

37.

Japprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropea lill-Kunsill wara l-inkjesta strateġika, jiġifieri: (a) li jirreġistra b'mod sistematiku l-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri fid-diskussjonijiet mal-korpi preparatorji, (b) li jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli għall-pubbliku dwar il-mod kif jikklassifika d-dokumenti bħala “LIMITE”, u (c) li b'mod sistematiku jeżamina mill-ġdid l-istatus “LIMITE” tad-dokumenti qabel l-adozzjoni finali ta' biċċa leġiżlazzjoni partikolari u li dak l-eżami mill-ġdid għandu jitwettaq qabel in-negozjati informali fit-trilogi, f'liema punt il-Kunsill ikun diġà wasal għal pożizzjoni inizjali; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta malajr kemm jista' jkun ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman sabiex jiggarantixxi t-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tiegħu;

38.

Iqis il-prattika mifruxa u arbitrarja attwali tal-Kunsill li biha jimmarka l-biċċa l-kbira tad-dokumenti preparatorji fil-proċeduri leġiżlattivi li jkunu għaddejjin bħala “LIMITE” bħala restrizzjoni fuq id-dritt taċ-ċittadini għall-usa' aċċess pubbliku possibbli għad-dokumenti leġiżlattivi;

39.

Jieħu nota tal-fatt li l-Parlament ra żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet li jitolbu aċċess pubbliku għad-dokumenti b'diversi kolonni diskussi fil-laqgħat tat-trilogi wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża (10) De Capitani, u jinnota b'sodisfazzjon li mindu ngħatat is-sentenza, il-Parlament żvela d-dokumenti kollha b'diversi kolonni li għalihom intalab aċċess skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jilqa' dan il-fatt peress li t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tikkontribwixxi għall-għoti ta' leġittimità akbar lill-istituzzjonijiet f'għajnejn iċ-ċittadini tal-UE; jissottolinja li r-rekwiżit ġenerali li jingħata aċċess għad-dokumenti huwa l-aktar għodda xierqa biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jkunu jistgħu jirrispondu għaż-żieda enormi fit-talbiet għal dokumenti;

40.

Jissottolinja l-fatt li s-sentenza tal-Qorti fil-kawża De Capitani f'Marzu 2018 tiddikjara li l-fehmiet tal-istituzzjonijiet riflessi fid-dokumenti “b'erba' kolonni” ma kinux jaqgħu taħt preżunzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' żvelar; jinnota li n-natura sensittiva tal-materja riflessa fid-dokumenti tat-trilogu ma kinitx ikkunsidrata fiha nnifisha li tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti biex l-aċċess għall-pubbliku jiġi rrifjutat;

41.

Ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali japplikaw għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u li l-Qorti tagħmilha ċara li meta dokument li joriġina minn istituzzjoni tal-UE jkun kopert b'eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess pubbliku, l-istituzzjoni jeħtiġilha tivvaluta u tispjega b'mod ċar għaliex l-aċċess għal dan id-dokument jista' speċifikament u effettivament jimmina l-interess protett bl-eċċezzjoni, b'mod partikolari għaliex l-aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni jista' jimmina, b'mod speċifiku u effettiv, il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u b'hekk jirrikjedi li dan ir-riskju jrid ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku; jenfasizza li kwalunkwe rifjut ta' aċċess għad-dokumenti jrid ikun iġġustifikat bis-sħiħ f'kull każ speċifiku;

42.

Jilqa' l-fatt li l-kawża ClientEarth vs Il-Kummissjoni tiċċara b'mod sinifikanti l-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett “dokumenti leġiżlattivi” u li l-QĠUE sabet li d-dokumenti mfassla fil-kuntest ta' valutazzjoni tal-impatt jikkwalifikaw bħala dokumenti leġiżlattivi u għalhekk ma jistgħux jiġu protetti abbażi ta' preżunzjoni ġenerali kontra l-iżvelar pubbliku;

43.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-aċċess għall-parir tas-Servizzi Legali rispettivi tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament huwa limitat, u li spiss il-parir tas-Servizz Legali tal-Parlament lanqas biss ikun disponibbli għall-membri ta' kumitati oħra; jitlob lill-istituzzjonijiet jiżguraw it-trasparenza;

44.

Jieħu nota tal-investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2020 dwar il-prattiki tal-aġenzija FRONTEX f'dak li għandu x'jaqsam mal-obbligi tagħha li jaqgħu taħt id-dritt tal-UE fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti; iħeġġeġ lill-aġenzija tagħti segwitu għas-sejbiet tal-Ombudsman Ewropew u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-aġġornament tar-reġistru tad-dokumenti u l-pubblikazzjoni tan-numru ta' dokumenti sensittivi li għandha li mhumiex inklużi fir-reġistru tad-dokumenti u tagħha (11);

45.

Jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-informaturi fl-iżvelar ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, u jappoġġja l-miżuri maħsuba biex tittejjeb il-protezzjoni tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni; jistieden lill-istituzzjonijiet jevalwaw u, fejn ikun meħtieġ, jirrieżaminaw l-arranġamenti interni tagħhom għar-rappurtar tal-għemil ħażin;

46.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura aċċess pubbliku għall-ftehimiet kollha ta' xiri bil-quddiem, fil-forma sħiħa tagħhom, bejn l-UE u l-kumpaniji privati fil-qasam tas-saħħa, b'mod partikolari meta tordna l-vaċċini;

Konklużjonijiet

47.

Jenfasizza li l-ħtieġa tat-trasparenza għandha tkun ibbilanċjata b'attenzjoni mal-ħtieġa li tiġi protetta d-data personali u li d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu bi grad ta' kunfidenzjalità meta dan ikun meħtieġ;

48.

Jenfasizza bil-qawwa li kwalunkwe eċċezzjoni għall-aċċess pubbliku għal dokumenti jew informazzjoni tal-UE jeħtieġ li tiġi analizzata fuq bażi ta' każ b'każ, hekk kif jitqies li l-aċċess għal tali dokumenti huwa r-regola, filwaqt li l-eċċezzjonijiet mir-regola huma suġġetti għal interpretazzjoni stretta;

49.

Jappella lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha jiżviluppaw approċċ komuni għall-aċċess għad-dokumentazzjoni, inkluża l-proċedura għall-materjali tat-trilogu, u b'mod kostanti jesploraw u jiżviluppaw metodi u miżuri ġodda biex jiksbu l-akbar trasparenza possibbli;

50.

Jitlob li l-istituzzjonijiet jiżguraw it-trasparenza tal-proċeduri leġiżlattivi fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

51.

Jappella li l-istituzzjonijiet kollha jtejbu l-komunikazzjoni matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu kemm hu u jxerrdu b'mod proattiv aktar mid-dokumenti tagħhom relatati mal-proċedura leġiżlattiva bl-aktar mod sempliċi, faċli għall-utent u aċċessibbli, permezz tas-siti web pubbliċi tagħhom u kull mezz ieħor ta' komunikazzjoni; jissottolinja li hija meħtieġa aktar trasparenza fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan il-proċeduri ta' ksur; jitlob li l-istituzzjonijiet iżidu l-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu bażi tad-data konġunta ddedikata u faċli għall-utent dwar is-sitwazzjoni attwali tal-fajls leġiżlattivi li fuqhom għaddejja ħidma, kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u b'hekk ikunu jippermettu t-trasparenza fid-diversi stadji tal-proċess leġiżlattiv u jipprovdu liċ-ċittadini fehim aktar ċar tal-proċeduri leġiżlattivi tal-UE;

52.

Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 3 TUE u l-Karta, id-diversità lingwistika rikka tal-Unjoni trid tiġi rrispettata; jitlob li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jagħmlu kull sforz biex jipprovdu aċċess għad-dokumenti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;

53.

Jenfasizza li s-soċjetajiet demokratiċi miftuħa jiddependu fuq il-fatt li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jkollhom aċċess għal varjetà ta' sorsi ta' informazzjoni verifikabbli, sabiex ikunu jistgħu jiffurmaw opinjoni dwar kwistjonijiet differenti; jirrimarka li l-aċċess għall-informazzjoni jsaħħaħ l-obbligu ta' rendikont fit-teħid tad-deċiżjonijiet u huwa essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetajiet demokratiċi;

o

o o

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ombudsman, lil korpi, uffiċċji u Aġenziji oħra tal-Unjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(2)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 27.

(3)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 23.

(4)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 120.

(5)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 149.

(6)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(7)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 77.

(8)  https://www.ombudsman.europa.eu/mt/recommendation/en/89518

(9)  https://thegoodlobby.eu/campaigns/openletter-to-the-president-of-the-court-ofjustice-of-the-european-union-asking-foreu-courts-to-live-stream-their-publichearings

(10)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta' Marzu 2018, Emilio de Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167.

(11)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/solution/en/137293


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/62


P9_TA(2021)0044

It-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu (2019/2188(INI))

(2021/C 465/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar tal-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-għan ta' koeżjoni stabbilita skont l-Artikolu 3 tat-TUE, b'mod partikolari l-konverġenza soċjali 'l fuq,

wara li kkunsidra l-klawsola soċjali orizzontali li tinsab fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-politika soċjali skont l-Artikolu 151 et seq. tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif imsemmi fl-Artikolu 6 TUE,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 5 u 6,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs),

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UN CRPD), u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-UN CRPD (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (3),

wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi ta' Ursula von der Leyen,

wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma aġġustat tal-Kummissjoni għall-2020,

wara li kkunsidra l-mira tal-faqar u l-esklużjoni soċjali stabbilita fl-Istrateġija Ewropa 2020,

wara li kkunsidra l-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntieri u staġunali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 bit-titolu “Il-faqar: perspettiva tas-sessi” (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità (10),

wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju (13),

wara li kkunsidra l-Indiċi tad-Drittijiet Globali tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali (ITUC) (14),

wara li kkunsidra r-rapporti tan-Network Ewropew kontra l-Faqar, u r-rapporti rilevanti tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà u n-Network tal-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' Bażi tar-Rom (European Roma Grassroots Organisations – ERGO),

wara li kkunsidra l-objettivi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-kisba ta' tranżizzjoni ġusta u xierqa billi jiġi pprovdut aċċess għal programmi ta' taħriġ mill-ġdid u opportunitajiet ta' impjieg f'setturi ekonomiċi ġodda,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 bit-titolu “Ewropa soċjali b'saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2020)0014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0006/2021),

Żieda fl-inugwaljanzi u l-faqar

A.

billi wieħed mill-vantaġġi tal-UE huwa l-mudell soċjali tagħha; billi l-iżviluppi teknoloġiċi u t-tendenza globali ta' żieda fl-inugwaljanzi jirrikjedu li l-mudell soċjali jiġi vvalutat mill-ġdid u adattat għall-ambjent globali modern, b'pass mgħaġġel, kumpless u imprevedibbli tagħna;

B.

billi skont id-definizzjoni tal-Eurostat, l-individwi jkunu f'riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu meta jaħdmu għal aktar minn nofs is-sena u meta l-introjtu disponibbli ekwivalizzat annwali tagħhom ikun anqas minn 60 % tal-livell ta' introjtu medjan tal-unitajiet domestiċi nazzjonali (wara trasferimenti soċjali); billi l-aħħar ċifri tal-Eurostat juru li fl-2018 kien hemm 9,4 % tal-ħaddiema Ewropej f'riskju ta' faqar (15);

C.

billi l-inugwaljanza teżisti kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom u din tvarja b'mod sinifikanti; billi d-distakk fil-ġid nett bejn il-perċentili l-aktar għonja u l-bqija tan-nies qed jiżdied; billi, filwaqt li fl-2017 il-ġid nett għal kull unità domestika fil-pajjiżi tal-Grupp tal-Euro naqas għall-20 % tal-unitajiet domestiċi bl-aktar livell baxx, dan żdied b'mod relattivament qawwi għall-20 % bl-ogħla livell (16) u l-20 % tal-unitajiet domestiċi bl-aktar livell baxx kellhom bħala medja dejn nett ta' EUR 4 500, filwaqt li b'kuntrast ma' dan l-10 % l-aktar sinjuri kellhom bħala medja assi netti ta' EUR 1 189 700 (17);

D.

billi l-fatturi li jikkontribwixxu għall-faqar u ż-żieda fl-inugwaljanza fil-ġid nett huma kumplessi u interkonnessi, u primarjament jinkludu l-inugwaljanza fil-pagi, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nuqqas ta' akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, id-diskriminazzjoni, il-livelli baxxi ta' edukazzjoni, il-bidliet teknoloġiċi fid-dinja tax-xogħol u l-bidliet strutturali fis-suq tax-xogħol; billi ż-żieda fil-produttività mingħajr żidiet korrispondenti fil-pagi taggrava wkoll id-disparitajiet ekonomiċi fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom;

E.

billi r-riskju tal-aċċellerazzjoni tal-fenomenu tal-esklużjoni tal-introjtu fost il-ħaddiema għandu impatt partikolari mhux biss fuq il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, iżda wkoll fuq il-gradwati (inklużi l-gradwati universitarji) li jidħlu fis-suq tax-xogħol; billi d-differenza fl-introjtu bejn dawk li jaqilgħu l-ogħla u l-inqas pagi mistennija tiżdied;

F.

billi wieħed minn kull sitt ħaddiema fl-UE jaqla' paga baxxa, jiġifieri paga aktar baxxa minn żewġ terzi tal-paga medjana nazzjonali, u dan is-sehem kulma jmur qed jiżdied; billi l-pagi baxxi ma żammewx il-pass ma' pagi oħra f'ħafna Stati Membri, u b'hekk ġew aggravati l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-faqar fost dawk li jaħdmu u kien hemm deterjorament fil-kapaċità ta' dawk li jaqilgħu pagi baxxi biex ilaħħqu mad-diffikultajiet ekonomiċi;

G.

billi r-reċessjoni fis-suq tax-xogħol matul il-kriżi preċedenti ħolqot żieda drammatika fl-għadd ta' ħaddiema part-time involontarji, li għandhom l-akbar probabbiltà li jaħdmu f'impjiegi ta' servizzi bażiċi jew ta' livell aktar baxx u f'setturi b'riskju għoli ħafna ta' faqar fost dawk li jaħdmu;

H.

billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-nondiskriminazzjoni huma valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif minqux fit-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

I.

billi fl-UE-27, in-nisa jaqilgħu medja ta' 15 % inqas mill-irġiel (18), liema rata tinbidel għal 9,38 % wara aġġustament minħabba kawżi differenti (19); billi d-deċennji ta' differenza bejn il-ġeneri fil-pagi rriżultaw f'differenza ta' 37 % bejn il-ġeneri fl-introjtu mill-pensjonijiet, sitwazzjoni li toħloq livell mhux ugwali ta' indipendenza ekonomika bejn in-nisa u l-irġiel anzjani;

J.

billi d-distribuzzjoni mhux uniformi tar-responsabbiltajiet tal-indukrar fl-UE, fejn in-nisa jġorru piż sproporzjonat bħala l-indokraturi primarji fil-familji, flimkien mal-aċċess limitat għall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u tal-indukrar tal-anzjani f'xi Stati Membri, tirriżulta f'perjodi ta' assenza mis-suq tax-xogħol u b'hekk f'differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u distakk fil-pensjonijiet; billi din id-distribuzzjoni mhux uniformi tar-responsabbiltajiet ta' indukrar, kif ukoll paga mhux ugwali għal xogħol tipikament imwettaq min-nisa u l-impatt tal-interruzzjonijiet fil-karriera fuq il-promozzjonijiet u l-avvanz fil-pensjoni huma kollha fatturi fil-faqar tan-nisa;

K.

billi fl-2017 ir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali kien ta' 23,3 % għan-nisa, ogħla milli għall-irġiel (21,6 %) (20);

L.

billi d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi ġeneralment hija aktar baxxa għal min jidħol ġdid fis-suq tax-xogħol (21); billi l-opportunitajiet indaqs għandhom ikomplu jiġu promossi sabiex ikomplu jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel;

M.

billi l-impjieg tan-nisa huwa konsiderevolment ogħla fis-settur tas-servizzi milli fl-industrija, u n-nisa fil-biċċa l-kbira tagħhom huma impjegati fis-setturi tas-saħħa u soċjali u f'attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut, manifattura, edukazzjoni u negozju, b'żieda fil-konċentrazzjoni ta' nisa li jaħdmu part-time u f'impjiegi okkażjonali;

N.

billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija għodda importanti għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet kollha tal-UE, inklużi l-politiki tas-suq tax-xogħol u dawk soċjali, biex jiġu promossi opportunitajiet indaqs u tiġi miġġielda kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa;

O.

billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u l-appoġġ attiv għall-impjieg;

P.

billi l-prinċipju 6 tal-EPSR jistabbilixxi li l-faqar fost dawk li jaħdmu jrid jiġi evitat u li jridu jiġu żgurati pagi minimi adegwati, b'tali mod li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u l-familji tagħhom fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali nazzjonali, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat l-aċċess għall-impjiegi u l-inċentivi biex wieħed ifittex impjieg; billi fl-ambitu tal-EPSR, meta prinċipju jirreferi għall-ħaddiema, dan jikkonċerna lill-persuni kollha fl-impjieg, irrispettivament mill-istatus, mill-modalità jew mid-durata tal-impjieg tagħhom;

Q.

billi ż-żgħażagħ ibatu biex isibu impjiegi ta' kwalità u stabbli b'kuntratti permanenti u ħafna drabi jesperjenzaw perjodi ta' qgħad fit-tul; billi ħafna Stati Membri jippermettu lill-impjegaturi jħallsu salarju aktar baxx lill-impjegati żgħażagħ, u dan jiddiskrimina kontra ħaddiema ta' età iżgħar; billi ż-żgħażagħ ħafna drabi jaċċettaw internships mhux imħallsa mingħajr ebda prospett ta' impjieg;

R.

billi l-impjieg prekarju jolqot lil xi gruppi b'mod aktar sinifikanti minn oħrajn, u billi ċerti popolazzjonijiet, bħall-persuni Romani, ilhom sovrarappreżentati f'xogħol atipiku, mhux stabbli u b'paga baxxa; billi 80 % tal-persuni Rom u t-tfal tagħhom jgħixu fuq introjtu taħt il-limitu nazzjonali rispettiv ta' riskju ta' faqar (22), irrispettivament minn jekk ikunux f'impjieg jew le; billi l-persuni Romani intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija u mill-miżuri ta' konteniment (23);

S.

billi 95 miljun persuna (21,7 %) fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, u dan ifisser li s-sopravivenza ekonomika, il-parteċipazzjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja (24) ta' wieħed minn kull ħames persuni fit-tielet l-akbar żona ekonomika tad-dinja jinsabu f'riskju; billi 85,3 miljun persuna (16,9 %) fl-UE jiġu affettwati minn faqar jew esklużjoni soċjali wara t-trasferimenti soċjali;

T.

billi l-istatistika tal-UE dwar il-faqar turi differenzi kbar bejn is-suċċess tal-Istati Membri fl-ilħuq tal-mira ta' tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

U.

billi 8,2 miljun persuna tneħħew mill-kategoriji ta' riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali apparagun tal-linja bażi tal-2008, fil-biċċa l-kbira bis-saħħa ta' kundizzjonijiet imtejba tas-suq tax-xogħol, u tnaqqis fil-privazzjoni materjali severa (25) u fil-proporzjon ta' persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità tax-xogħol baxxa ħafna (26) f'xi Stati Membri;

V.

billi minkejja titjib sostanzjali tas-sitwazzjoni f'xi Stati Membri, l-UE naqset b'mod ċar milli tilħaq il-mira tagħha stabbilita bl-Istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas l-għadd assolut ta' persuni f'periklu ta' faqar b'20 miljun sal-2020 apparagun tal-2008;

W.

billi ċerti kategoriji ta' ħaddiema bħalma huma l-ħaddiema staġjonali jew xi ħaddiema transfruntiera jinsabu f'riskju għoli ta' esklużjoni soċjali u faqar fost dawk li jaħdmu u ħafna drabi jkunu impjegati b'kuntratti ta' xogħol b'ħinijiet iqsar bi ftit jew bl-ebda sigurtà tal-impjieg, drittijiet tax-xogħol jew protezzjoni soċjali;

X.

billi hemm diversi konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol prekarji u tal-faqar fost dawk li jaħdmu, inklużi livelli aktar baxxi ta' benesseri mentali soġġettiv, problemi bl-akkomodazzjoni u l-ambjent tal-għajxien, relazzjonijiet ħżiena u sentimenti ta' esklużjoni soċjali (27);

Y.

billi l-ħaddiema affettwati mill-faqar fost dawk li jaħdmu ħafna drabi jaħdmu f'impjiegi b'kundizzjonijiet tax-xogħol mhux aċċettabbli, bħal xogħol mingħajr ftehim kollettiv, ksur tas-sigħat tax-xogħol (28) u riskji għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali;

Z.

billi fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika, tali ħaddiema jinsabu f'pożizzjoni saħansitra aktar dgħajfa fis-suq tax-xogħol;

AA.

billi, b'mod ġenerali, il-ħaddiema part-time u, b'mod partikolari, il-ħaddiema part-time involontarji, jinsabu f'riskju akbar ta' faqar meta jiġu kkombinati fatturi differenti ta' riskju, inklużi paga baxxa, impjiegi mhux stabbli u unitajiet domestiċi b'membri dipendenti u dawk b'paga waħda (29);

AB.

billi fl-2019, 5,8 % tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienet qed tgħix fi privazzjoni materjali estrema u billi l-faqar estrem jeżisti f'bosta reġjuni u komunitajiet; billi dan is-sehem x'aktarx li jiżdied b'mod sinifikanti fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, u dan jagħmel din il-problema saħansitra aktar urġenti;

AC.

billi l-faqar enerġetiku huwa problema partikolarment mifruxa madwar l-Ewropa, u hemm bejn 50 u 125 miljun persuna li ma jistgħux jaffordjaw kumdità termika interna adegwata (30); billi 11 % tal-unitajiet domestiċi fl-UE ma għandhomx aċċess għall-internet (31);

AD.

billi l-faqar tal-unitajiet domestiċi (32) qed jonqos (33) bil-mod: wieħed minn kull erbat itfal ta' anqas minn 18-il sena jinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u b'hekk maqbud f'ċiklu ta' żvantaġġ rikorrenti minn ġenerazzjoni għall-oħra (34); billi l-ġenituri waħedhom (34,2 %) u l-familji kbar huma partikolarment affettwati (35); billi l-familji b'wild jew qraba oħra b'diżabilità huma f'riskju ogħla ta' faqar;

AE.

billi l-kirjiet qed jiżdiedu b'mod kostanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; billi r-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni (36) fl-UE hija ta' 9,6 %, u dan ifisser li n-nies li jgħixu f'dawn l-unitajiet domestiċi jonfqu 40 % jew aktar tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni (37); billi f'xi Stati Membri r-rata tal-piż żejjed tal-kost tal-abitazzjoni tista' tilħaq 50-90 % (38); billi l-unitajiet domestiċi b'persuni li jikru b'introjtu baxx fl-UE jiffaċċjaw spejjeż medjani tal-abitazzjoni ta' bejn 20 u 45 % tal-introjtu disponibbli tagħhom;

AF.

billi wieħed mill-kontributuri ewlenin għad-disparità fil-ġid nett huwa l-bidliet fil-prezzijiet tad-djar; billi l-iskarsezza ta' abitazzjoni bi prezz raġonevoli qed issir l-akbar mutur tal-inugwaljanzi f'ħafna Stati Membri;

AG.

billi l-kondizzjoni ta' persuna mingħajr dar qed tiżdied madwar l-Ewropa, u huwa stmat li fl-2019 kien hemm madwar 700 000 persuna mingħajr dar (39); 70 % aktar minn għaxar snin ilu (40);

AH.

billi, fl-2017, il-perċentwal ta' żgħażagħ ta' bejn 18 u 24 sena li, għalkemm kienu impjegati, kienu f'riskju ta' faqar fl-Unjoni Ewropea kien stmat għal 11 % u sa 28,2 % fir-Rumanija (41);

AI.

billi l-faqar fost l-anzjani qed ikompli jiżdied: ir-rata tar-riskju tal-faqar fost il-persuni li għandhom aktar minn 65 sena bħala medja kienet 16,1 % (UE-27); billi din iċ-ċifra se tkompli tikber prinċipalment minħabba xogħol prekarju u atipiku, li huwa partikolarment prevalenti fost l-anzjani (42);

AJ.

billi l-faqar fost dawk li jaħdmu jeqred is-sens bażiku tax-xogħol, jiġifieri li jipprovdi ħajja deċenti għall-impjegati u l-familji tagħhom billi ma jħallihomx isiru ekonomikament indipendenti;

AK.

billi l-Artikolu 4 tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa jipprevedi li l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal remunerazzjoni ġusta li tkun suffiċjenti għal livell ta' għajxien deċenti għalihom stess u għall-familji tagħhom;

Tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv

AL.

billi matul dawn l-aħħar tliet deċennji l-kopertura tan-negozjar kollettiv fil-pajjiżi tal-OECD bħala medja naqset minn 46 % għal 32 %; billi f'tal-inqas 14-il Stat Membru tal-UE 50 % tal-impjegati jaħdmu mingħajr ftehim kollettiv; billi seba' Stati Membri biss għandhom rata ta' negozjar kollettiv ogħla minn 80 % (43); billi t-tnaqqis kien l-aktar rapidu fil-pajjiżi li għaddew minn riformi strutturali li kellhom fil-mira n-negozjar kollettiv (44);

AM.

billi sistemi ta' negozjar kollettiv ikkoordinati tajjeb li għandhom kopertura estensiva jrawmu prestazzjoni tajba fis-suq tax-xogħol, u billi l-ħaddiema li huma koperti minn ftehimiet kollettivi normalment igawdu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u ambjent tax-xogħol ta' kwalità aħjar minn dawk li mhumiex;

AN.

billi l-għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja fejn il-ħaddiema huma esklużi mid-dritt li jistabbilixxu jew li jissieħbu fi trade union żdied minn 92 fl-2018 għal 107 fl-2019; billi l-ogħla żieda kienet fl-Ewropa; billi 40 % tal-pajjiżi Ewropej ma jippermettux lill-ħaddiema jissieħbu fi trade union, 68 % kisru d-dritt tal-istrajkjar u 50 % kisru d-dritt għal negozjar kollettiv (45);

AO.

billi għall-ħaddiema f'żoni rurali huwa aktar diffiċli li tinkiseb rappreżentanza ta' trade union u jiġu nnegozjati ftehimiet kollettivi lokali u settorjali, u dan jiddependi wkoll mis-settur;

AP.

billi bejn l-2000 u l-2016, ir-rata tat-tkabbir tal-pagi għaż-żona tal-euro kienet taħt ir-rata ta' produttività (46); billi ż-żidiet fil-pagi ma żammewx il-pass maż-żieda fil-valur miżjud u dan ikkonsolida l-inugwaljanzi eżistenti;

AQ.

billi l-ftehimiet ta' negozjar kollettiv u ta' negozjar settorjali jirregolaw mhux biss il-livelli tal-pagi iżda wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-ħin tax-xogħol, il-liv imħallas, il-vaganzi u l-opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet;

AR.

billi sħab soċjali u negozjar kollettiv b'saħħithom jista' jkollhom impatt pożittiv fuq il-livell globali tal-pagi fl-Ewropa, inklużi kemm il-paga minima kif ukoll dik medjana; billi n-negozjar kollettiv jiżgura li l-ħaddiema jinstemgħu u jiġu rrispettati; billi hemm evidenza ta' korrelazzjoni pożittiva bejn il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u l-prestazzjoni u d-dħul ta' kumpanija (47);

Żieda fl-impjieg atipiku u prekarju

AS.

billi fl-2017 ir-rata ta' impjieg għall-persuni b'diżabilità (50,6 %) kienet ferm aktar baxxa mir-rata ta' impjieg totali (74,8 %) (48);

AT.

billi b'riżultat ta' dan, il-persuni b'diżabilità huma f'riskju akbar ta' faqar fost dawk li jaħdmu (11 % vs il-medja tal-UE ta' 9,1 %) (49);

AU.

billi 20,7 % tan-nisa b'diżabilità u 28,6 % tal-irġiel b'diżabilità biss għandhom impjieg full-time (50);

AV.

billi f'xi Stati Membri, il-persuni b'diżabilità spiss jitilfu l-intitolamenti ta' diżabilità tagħhom meta jibdew jaħdmu, u dan iżid ir-riskju tagħhom ta' faqar fost dawk li jaħdmu;

AW.

billi f'xi Stati Membri, il-persuni b'diżabilità impjegati f'workshops protetti mhux neċessarjament ikollhom status ta' impjegat, drittijiet tax-xogħol jew paga minima garantita (51);

AX.

billi l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol irriżultat saħansitra aktar diffiċli fid-dawl tal-kriżi finanzjarja (52);

AY.

billi l-proporzjon ta' ħaddiema li jgħixu f'unità domestika f'riskju ta' faqar żdied minn 8 % għal 9,4 % fi żmien għaxar snin – u dan jikkorrispondi għal 20,5 miljun persuna (53);

AZ.

billi nstabet korrelazzjoni bejn iż-żieda fil-forom mhux standard ta' impjieg u ż-żieda fil-proporzjon ta' Ewropej f'riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu (54); billi 16,2 % ta' dawk li jaħdmu part-time jew b'kuntratti temporanji huma aktar esposti għar-riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu, meta mqabbla ma' 6,1 % ta' dawk b'kuntratt permanenti;

BA.

billi l-livell ta' edukazzjoni għandu rilevanza sinifikanti fuq ir-riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu; billi r-riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu huwa konsiderevolment ogħla għall-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet; billi f'ċerti Stati Membri hemm saħansitra riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu għall-ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet (55);

BB.

billi madwar l-UE jeżistu prattiki differenti għall-iffissar tal-pagi;

BC.

billi s-sistemi tal-paga minima – fejn jeżistu – ivarjaw ħafna fl-ambitu u l-kopertura madwar l-Istati Membri (56); billi s-sistemi tal-paga minima jvarjaw ukoll f'termini tal-livell assolut u relattiv tagħhom, u billi hemm diskrepanzi konsiderevoli f'termini ta' kopertura u adegwatezza biex jiġi żgurat għajxien deċenti; billi anki jekk dawn id-differenzi jkunu iżgħar meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-prezzijiet, id-disparitajiet fil-kapaċità tal-akkwist jibqgħu kbar (57); billi l-perċentwal ta' persuni li jirċievu paga minima wkoll ivarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri;

BD.

billi l-paga minima hija ogħla b'mod konsistenti mil-limitu ddefinit tar-riskju tal-faqar (60 % tal-paga medjana grossa) fi tliet Stati Membri biss u ma tipprovdix protezzjoni kontra l-faqar fi Stati Membri oħra; billi kultant, ċerti setturi, gruppi ta' ħaddiema u forom ta' xogħol ma jkunux inklużi jew koperti b'arranġamenti ta' paga minima jew ftehimiet kollettivi;

BE.

billi l-ħaddiema li jaqilgħu paga minima spiss ikollhom diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja; billi, b'mod aktar speċifiku, 7 minn kull 10 ħaddiema li jaqilgħu paga minima għandhom mill-inqas “xi” diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja, meta mqabbla ma' 5 minn kull 10 tal-ħaddiema l-oħra u b'differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri (58);

BF.

billi t-tnaqqis fl-impjiegi matul il-kriżi finanzjarja fl-2008 ħoloq żieda drammatika fl-għadd ta' persuni f'impjieg atipiku, xogħol b'ħinijiet iqsar u impjieg part-time, inkluż l-impjieg part-time involontarju (59); billi l-ħaddiema part-time involontarji huma dawk l-aktar probabbli li jaħdmu f'impjiegi ta' servizzi bażiċi jew ta' livell aktar baxx u f'setturi u li għandhom fost l-ogħla livelli ta' riskju ta' faqar fost dawk li jaħdmu; billi aktar minn terz tal-ħaddiema part-time jaħdmu b'mod involontarju f'impjieg part-time u wieħed minn kull tnejn jaħdmu f'xogħol b'ħinijiet iqsar (60);

BG.

billi l-kuntratti standard full-time indefiniti jammontaw għal 59 % tal-impjiegi totali fl-UE, bl-impjiegi atipiċi u, ta' sikwit imma mhux dejjem, l-impjiegi prekarji, jiżdiedu b'mod kontinwu (61);

BH.

billi x-xogħol b'ħinijiet iqsar ma jwassalx għall-iżvilupp, it-taħriġ u l-adattament tal-ħiliet tal-impjegati bi qbil mad-dinja tax-xogħol li qed tinbidel;

BI.

billi hemm varjazzjonijiet kbar fl-għadd ta' ħaddiema li jwettqu xogħol prekarju fl-UE fil-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, it-trasport, l-industrija tal-lukandi, il-catering (62) u s-setturi tal-kultura u tal-ġestjoni tal-avvenimenti;

BJ.

billi l-faqar fost dawk li jaħdmu jista' jaffettwa wkoll lill-professjonisti żgħażagħ b'livell għoli ta' edukazzjoni, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; billi filwaqt li l-perċentwal ta' żgħażagħ fil-faqar fost dawk li jaħdmu huwa aktar baxx għal dawk b'lawrja universitarja minn dawk b'livelli aktar baxxi ta' edukazzjoni, xorta jibqa' konsiderevoli f'ċerti Stati Membri; billi dawn l-adulti żgħażagħ ħafna drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' pagi baxxi, kundizzjonijiet tax-xogħol inġusti, impjieg indipendenti fittizju, kuntratti tax-xogħol atipiċi u saħansitra xogħol mhux iddikjarat (63);

BK.

billi l-introjtu addizzjonali, il-flessibbiltà akbar, il-kisba tal-esperjenza, l-attrazzjoni tal-klijenti u n-nuqqas ta' opportunitajiet fis-suq tax-xogħol tradizzjonali jidhru li huma l-motivazzjonijiet ewlenin biex wieħed jaċċetta xogħol fuq il-pjattaformi diġitali; billi x-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali huwa ġeneralment pożittiv għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol (64); billi x-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali huwa eteroġenju, u, b'riżultat ta' dan, soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd iddgħajjef il-ħolqien ta' forom ta' xogħol importanti (65);

BL.

billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ġiet stabbilita f'Lulju 2019 bil-għan li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni u l-infurzar effikaċi tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; billi l-ELA mistennija tilħaq il-kapaċità operazzjonali sħiħa tagħha sal-2024;

BM.

billi għalkemm il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta għal Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew, għadha ma tressqet l-ebda proposta konkreta;

BN.

billi fl-2018 ir-rata ta' tagħlim għall-adulti fl-UE kienet 11,1 % filwaqt li l-mira tal-2020 kienet 15 % (66); billi t-teknoloġija u l-innovazzjoni għandhom potenzjal kbir biex jiftħu l-opportunitajiet, iżda aktar minn 40 % tal-adulti fl-UE m'għandhomx ħiliet diġitali bażiċi;

Il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19

BO.

billi l-qgħad u l-impjieg prekarju u atipiku żdiedu b'mod qawwi matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, u billi matul il-kriżi tal-COVID-19 l-attenzjoni hija ffukata wkoll fuq il-kwistjonijiet soċjali li jirriżultaw mit-telf tal-impjiegi, ix-xogħol b'ħinijiet iqsar u t-theddid għas-sopravivenza ekonomika, pereżempju għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), l-industriji artiġjanali żgħar, in-negozjanti ż-żgħar u l-ħaddiema transfruntiera; billi l-klassi medja qed tiċkien, id-distakk bejn is-sinjuri u l-foqra qed jiżdied u d-disparitajiet fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom qed jiġu aggravati bil-kriżi tal-COVID-19;

BP.

billi f'April 2020, matul il-pandemija tal-COVID-19, 50 % tal-ħaddiema fl-UE esperjenzaw tnaqqis fil-ħin tax-xogħol tagħhom, b'aktar minn terz (34 %) ta' dawk fl-impjieg jirrappurtaw li kien naqas “ħafna” u 16 % li kien naqas “ftit” (67);

BQ.

billi 75 % taċ-ċittadini tal-UE jqisu li s-sitwazzjoni finanzjarja attwali tagħhom hija agħar minn qabel il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li 68 % jirrappurtaw diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja u 68 % ma jistgħux iżommu l-livell ta' għajxien tagħhom għal aktar minn tliet xhur mingħajr introjtu; billi 16 % tal-ħaddiema fl-UE jemmnu li x'aktarx se jitilfu l-impjieg tagħhom fil-futur qarib (68);

BR.

billi l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 jista' jkollha konsegwenzi serji u fit-tul għas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ jew il-ħaddiema vulnerabbli, peress li taf iġġegħelhom jaċċettaw impjiegi prekarji u atipiċi, u dan se jżid l-inugwaljanzi eżistenti u jaggrava l-kundizzjonijiet tax-xogħol b'mod konsiderevoli;

BS.

billi l-pandemija tal-COVID-19 għalhekk x'aktarx se jkollha impatt dirett f'termini ta' żieda fil-faqar u l-faqar fost dawk li jaħdmu (69), speċjalment fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà;

BT.

billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta' protezzjoni soċjali aktar inklużiva li tkopri t-tipi kollha ta' ħaddiema, b'mod speċjali l-ħaddiema tal-pjattaforma u dawk li jaħdmu għal rashom;

BU.

billi l-impjiegi bi ħlas baxx u dawk bi ħlas għoli qed ikomplu jikbru fl-għadd, iżda l-ammont ta' impjiegi bi ħlas medju qed jonqos; billi l-impjiegi bi ħlas baxx ma jimplikawx kwalifiki baxxi, b'mod partikolari għall-ħaddiema tal-pjattaforma; billi hemm żieda dejjem akbar għal ħaddiema b'edukazzjoni għolja anki f'impjiegi bi ħlas baxx;

1.   

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-UE għandha obbligu li tiżgura li l-ħaddiema kollha jgawdu kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tagħhom u jitlob li tingħata attenzjoni għall-fatt li l-faqar u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u s-soċjetà jaggravaw l-inugwaljanzi u s-segregazzjoni; ifakkar fil-fatt li, fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jsaħħu l-mudell soċjali tal-UE u jqisu r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta' standard tal-għajxien diċenti u ħarsien soċjali adegwat għal kulħadd, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

2.   

Jenfasizza li t-TUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha l-obbligu bażiku li taħdem favur l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa, fuq il-bażi ta', fost l-oħrajn, ekonomija tas-suq soċjali b'livell għoli ta' kompetittività li jkollha l-għan li tikseb livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali u livell għoli ta' protezzjoni; jenfasizza li l-UE għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-protezzjoni u l-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà interġenerazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

3.   

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-inugwaljanza fl-introjtu fl-UE bħala reġjun dinji hija aktar baxxa minn dik ta' xi ekonomiji avvanzati kbar oħra, iżda għadha kwistjoni ta' tħassib; jisħaq li livell għoli ta' inugwaljanza jqajjem tħassib dwar l-ekwità, peress li l-inugwaljanza li tkun integrata sew tista' tirriżulta f'inugwaljanza ta' opportunità u tnaqqas it-tkabbir potenzjali; jissottolinja li livell relattivament għoli ta' inugwaljanza jista' jkun marbut ma' livell ogħla ta' riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali aktar qawwija, kif ukoll inċidenza ogħla ta' diffikultà finanzjarja u, bħala tali, jista' jnaqqas il-koeżjoni soċjali (70);

4.   

Jinnota li, għalkemm ir-rati tal-faqar fost in-nisa jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn Stat Membru u ieħor, ir-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali fil-gruppi ta' riskju li jagħmlu parti minnhom in-nisa anzjani, in-nisa waħedhom, in-nisa bit-tfal u l-ommijiet waħedhom, in-nisa rifuġjati u migranti, in-nisa ta' kulur, in-nisa minn minoranzi etniċi, in-nisa omosesswali, bisesswali u transġeneri u n-nisa b'diżabilità huwa kbir, u t-tendenza medja hija li n-nisa jkunu aktar f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali mill-irġiel (22,8 % fl-2018 fl-UE); jinnota li fatturi ta' riskju intersezzjonali oħra bħall-inattività, in-nuqqas ta' servizzi ta' indukrar għat-tfal u għall-membri tal-familja dipendenti jagħmlu ċerti kategoriji speċifiċi ta' nisa aktar vulnerabbli minn oħrajn għar-riskji tal-faqar;

5.   

Jenfasizza li wieħed minn kull żewġ persuni bi sfond ta' migrazzjoni mhux mill-UE jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, li l-livelli ta' xogħol prekarju huma partikolarment għoljin fost in-nisa migranti u rifuġjati, u li dawk bi status dipendenti jew irregolari jħabbtu wiċċhom ma' rati estremament għoljin ta' faqar; jenfasizza li erbgħa minn kull ħames membri tal-komunità Rom għandhom introjtu aktar baxx mil-limitu tal-faqar u li inqas minn mara waħda minn kull ħames nisa Rom (li għandhom 16-il sena jew aktar) għandhom impjieg; jenfasizza li d-diskriminazzjoni fl-aċċess u l-kwalità tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi tikkontribwixxi għal din ir-realtà; jistieden lill-UE taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tax-xogħol tal-UE u dawk nazzjonali mingħajr ebda tip ta' diskriminazzjoni, inkluż permezz ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ, tal-ilmenti u ta' rimedju li jkunu effettivi, indipendenti u aċċessibbli għall-ħaddiema kollha;

6.   

Jindika li skont l-Eurostat, bħalissa hemm 64,6 miljun mara u 57,6 miljun raġel li jgħixu fil-faqar fl-Istati Membri, u dan juri li l-impatt tal-faqar fuq in-nisa u l-irġiel huwa differenti; jinnota li dawk in-numri juru biss l-għadd ta' nisa milquta, u jridu jiġu eżaminati flimkien ma' indikaturi oħra, bħall-età, l-istennija tal-għomor, l-inugwaljanzi fl-introjtu, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, it-tip ta' unità domestika u t-trasferimenti soċjali biex wieħed jifhem is-sinifikat sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-esponiment tan-nisa għall-faqar aktarx huwa sottovalutat u jistieden lill-Istati Membri jiġbru d-data dwar il-faqar b'mod li jirrifletti r-realtà domestika u individwali ta' persuna, flimkien ma' data rilevanti dwar l-ugwaljanza, u jwettqu analiżijiet skont il-ġeneru tal-istatistika u l-politiki relatati mal-faqar, peress li wieħed ma jistax jassumi li r-riżorsi huma kondiviżi b'mod ugwali fost l-irġiel u n-nisa fi ħdan l-unitajiet domestiċi;

Miżuri kontra l-inugwaljanza

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jilħqu l-għan ta' kundizzjonijiet ta' għajxien komparabbli permezz ta' konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq, jiġġieldu l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, u jżidu s-solidarjetà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' negozjar kollettiv u jiżguraw protezzjonijiet soċjali minimi u sistema tas-sigurtà soċjali għall-gruppi tal-etajiet kollha; jenfasizza li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu permezz ta' strumenti bħal, iżda mhux biss, introjtu minimu, pagi minimi u pensjonijiet minimi fl-ambitu tal-ewwel pilastru (71) skont il-kompetenzi u l-liġijiet ta' kull Stat Membru, u b'rispett tal-prinċipji ġenerali kollha tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet fundamentali, il-proporzjonalità, iċ-ċertezza tad-dritt, l-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u s-sussidjarjetà;

8.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-prevenzjoni u l-indirizzar tal-faqar fost dawk li jaħdmu jridu jkunu parti mill-għan ġenerali li jinqered il-faqar fl-Unjoni Ewropea;

9.

Jemmen li d-disponibbiltà ta' servizzi (b'mod partikolari servizzi pubbliċi) bi prezz raġonevoli, aċċessibbli u ta' kwalità tajba hija essenzjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-livelli tal-faqar; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiggarantixxu aċċess għal servizzi ta' kwalità tajba u, b'konsegwenza ta' dan, aċċess universali għal kura tas-saħħa, edukazzjoni, abitazzjoni bi prezz raġonevoli, provvista tal-enerġija u protezzjonijiet soċjali;

10.

Huwa konvint li l-assjoma li x-“xogħol huwa l-aħjar rimedju kontra l-faqar” illum il-ġurnata mhux dejjem tapplika f'realtà fejn insibu setturi b'paga baxxa u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji (inklużi ċerti forom ta' impjieg atipiku), u dan qed jaffettwa s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali; jemmen, barra minn hekk, li l-ftehimiet kollettivi effettivi u s-sistemi effettivi ta' paga minima statutorja, fejn applikabbli, huma strumenti importanti għall-ġlieda kontra l-faqar;

11.

Jirrimarka li t-tkabbir huwa essenzjali biex jiġu miġġielda l-prekarjetà u l-faqar; huwa konvint li hemm bżonn li titrawwem l-intraprenditorija, inkluż fost in-nisa u ż-żgħażagħ; jirrimarka li l-SMEs, li joħolqu l-impjiegi u l-ġid u li huma s-sinsla tan-nisġa ekonomika Ewropea, iridu jiġu appoġġati; jirrimarka li dawn iġibu l-vitalità fit-territorji u jikkontribwixxu għall-innovazzjoni u għall-bini ta' suq tax-xogħol kompetittiv, diversifikat u sostenibbli; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ewropea trid tkun ta' benefiċċju għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjonijiet tal-ILO u l-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-impenji tagħhom lejn il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs, jippromwovu n-negozjar kollettiv; jistieden lill-Istati Membri jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom meta din tfixkel in-negozjar kollettiv u d-dritt ta' assoċjazzjoni, jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi, u jirrispettaw u jinfurzaw id-dritt għal pagi minimi ġusti, fejn applikabbli;

13.

Jisħaq li l-iżviluppi teknoloġiċi u l-bidliet fl-istruttura tal-ekonomija qed jirriżultaw f'konċentrazzjoni għola ta' attività ekonomika u impjiegi b'livell għoli ta' ħiliet f'żoni metropolitani, u dan iżid l-inugwaljanzi soċjali u ġeografiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-investimenti fit-teknoloġija diġitali f'żoni rurali sabiex itejbu s-servizzi pubbliċi, kif ukoll il-kwalità u l-effiċjenza tagħhom, u joħolqu modi ġodda ta' twassil ta' servizzi għal reġjuni remoti u mhux moqdija tajjeb, sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol aħjar;

14.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-aġenda għall-ħiliet; jenfasizza li livelli baxxi ta' edukazzjoni huma waħda mill-kawżi fundamentali tal-faqar fost dawk li jaħdmu u jeħtieġ li jiġu indirizzati;

15.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi għal kulħadd u biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola;

16.

Jissottolinja li edukazzjoni ta' kwalità għolja minn età bikrija, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet huma essenzjali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u jitjiebu l-kapaċitajiet tal-ħaddiema biex jadattaw għad-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u biex it-tranżizzjoni tagħhom lejn l-impjieg tiġi ffaċilitata b'suċċess;

17.

Jistieden għalhekk, lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mas-sħab soċjali, mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mal-intrapriżi u ma' partijiet ikkonċernati oħra biex isaħħu u jtejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-iżvilupp personali, inkluż bil-ħsieb li jippermettu lin-nies ikollhom aċċess għall-apprendiment tul il-ħajja;

18.

Jisħaq li t-trasformazzjoni diġitali u l-għadd dejjem jikber ta' impjiegi bi kwalifiki u b'ħiliet għoljin jeħtieġu investiment immirat għall-apprendiment tul il-ħajja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru appoġġ koerenti u komprensiv għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali meħtieġa, inkluż għall-ħaddiema akbar fl-età; jappella, għalhekk, għal investiment immirat għat-taħriġ mill-ġdid u għat-titjib tal-ħiliet diġitali biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jadattaw għat-tibdil u jiżguraw pagi ogħla;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu liż-żgħażagħ b'livell ta' edukazzjoni u taħriġ adegwat, li jippermettilhom jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-isfidi tas-suq tax-xogħol, u b'hekk jiġu mgħammra bl-għarfien tad-drittijiet tax-xogħol u soċjali tagħhom, sabiex ma jispiċċawx f'impjiegi atipiċi u prekarji;

20.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-libertajiet ekonomiċi fundamentali tas-suq uniku u d-drittijiet fundamentali soċjali u tax-xogħol jitqiesu fl-istess livell f'każ ta' kunflitt bejn it-tnejn;

21.

Jitlob strateġija Ewropea ġenerali kontra l-faqar, b'miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-faqar u t-tmiem tal-faqar estrem fl-Ewropa sal-2030, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fid-dawl tal-SDGs;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu minn strumenti finanzjarji bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-programmi tal-UE sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, tissaħħaħ l-impjegabbiltà tagħhom, u jiġu mħeġġa jieħdu impjiegi stabbli u mhux prekarji;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri reali biex jiġġieldu l-evitar u l-frodi tat-taxxa bħala mezz importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi ekonomiċi u biex jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-qafas tagħha għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta' kooperattivi u intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li min-natura tagħhom jagħmlu enfasi aktar qawwija fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-emanċipazzjoni tal-ħaddiema;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu inizjattivi biex jippromwovu l-awtonomizzazzjoni tan-nisa permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment tul il-ħajja, kif ukoll l-aċċess għall-finanzi, l-intraprenditorija tan-nisa u r-rappreżentanza tan-nisa f'setturi orjentati lejn il-futur, bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għal impjiegi b'livell għoli ta' kwalità; jappella, b'mod partikolari, għal aktar promozzjoni tas-suġġetti STEM, l-edukazzjoni diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u l-litteriżmu finanzjarju sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi prevalenti u jiġi żgurat li aktar nisa jidħlu f'dawn is-setturi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom;

26.

Jenfasizza d-djalogu regolari man-nisa li qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar u ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet permezz ta' fora nazzjonali, reġjonali u fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ tal-effikaċja tal-politiki/servizzi attwali u biex jiġu ssuġġeriti soluzzjonijiet;

27.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-NGOs u jenfasizza l-ħtieġa li huma jkollhom aċċess għall-fondi tal-UE sabiex jipprovdu servizzi innovattivi u effettivi biex jiġġieldu l-faqar;

28.

Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tippreżenta garanzija għat-tfal (72) mingħajr dewmien;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni deċenti għal kulħadd, bi prezz raġonevoli, aċċessibbli, effiċjenti fl-enerġija u sikura u biex jirsistu aktar fil-promozzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali, inkluż djar tal-gvern; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar politiki effettivi ta' akkomodazzjoni soċjali;

30.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jadottaw politiki ta' akkomodazzjoni adegwati, biex joħolqu kundizzjonijiet u appoġġ għal investimenti f'akkomodazzjoni soċjali u bi prezz raġonevoli u biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas strateġiku tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-persuni mingħajr dar fid-dawl tar-rabtiet bejn il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti biex jipprevjenu u jindirizzaw il-problema ta' persuni mingħajr dar u jipprevjenu l-evizzjonijiet furzati;

32.

Jissottolinja l-importanza li jiżdiedu l-fondi għall-persuni l-aktar fil-bżonn fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) il-ġdid bħala element ewlieni tas-solidarjetà Ewropea u bħala mod kif tingħata għajnuna biex jiġu miġġielda l-agħar forom ta' faqar fl-UE, bħall-privazzjoni alimentari u l-faqar fost it-tfal;

Protezzjoni minima tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien

33.

Iqis li qafas leġiżlattiv bil-ħsieb li jiġu regolati l-kundizzjonijiet tat-telexogħol madwar l-UE huwa meħtieġ biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' impjieg deċenti fl-ekonomija diġitali, u b'hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-faqar fost dawk li jaħdmu;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas tal-UE dwar l-introjtu minimu;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu f'politiki tax-xogħol attivi sabiex il-ħaddiema u l-ekonomiji Ewropej isiru aktar reżiljenti u biex il-ħaddiema jingħataw ħiliet siewja;

36.

Jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-UE biex jiġi żgurat li l-ħaddiema fl-UE jkunu protetti b'pagi minimi adegwati li jippermettu għajxien deċenti;

37.

Jisħaq li d-direttiva għandha tipprovdi salvagwardji ċari fl-Istati Membri fejn – bħala regola ġenerali – il-pagi jiġu nnegozjati b'mod kollettiv mis-sħab soċjali;

38.

Ifakkar fil-miżuri proposti tal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024 (73), li għandhom l-għan li jiżguraw li l-ħaddiema fl-Unjoni jkollhom paga minima ġusta li għandha tippermetti għajxien deċenti kull fejn jaħdmu;

39.

Ifakkar li skont il-prinċipju tan-nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli, id-direttivi dwar id-drittijiet tax-xogħol jipprevedu standards minimi u li l-Istati Membri individwali huma liberi li jipprevedu livelli ogħla ta' protezzjoni u standards;

40.

Iqis li din id-direttiva għandha tiżgura, permezz ta' ftehimiet kollettivi u pagi minimi statutorji, li l-ebda ħaddiem jew membru tal-familja tiegħu ma jkun f'riskju ta' faqar u li kulħadd ikun jista' jaqla' l-għajxien minn xogħlu u jipparteċipa fis-soċjetà;

41.

Jissottolinja li d-direttiva finali għandha tiggarantixxi li l-pagi minimi statutorji – fejn applikabbli – jiġu dejjem stabbiliti 'l fuq mil-linja tal-faqar;

42.

Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti pagi minimi, f'konformità ma' prattiki nazzjonali, filwaqt li jqisu l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu;

43.

Jisħaq li jridu jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-impjegaturi ma jinvolvux ruħhom fi prattiki ta' tnaqqis tal-pagi minimi għall-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol, bħall-akkomodazzjoni, il-ħwejjeġ meħtieġa, l-għodod, il-protezzjoni personali u tagħmir ieħor;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw il-qafas leġiżlattiv dwar il-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol għall-ħaddiema kollha, b'mod partikolari għal dawk il-ħaddiema impjegati f'kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, li spiss jaffettwaw ukoll lill-ħaddiema atipiċi jew lill-ħaddiema mhux standard fl-ekonomija tal-gigs, u jsaħħu dan il-qafas billi jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni u jtejbu d-direttivi eżistenti (74) jew jadottaw atti legali ġodda fejn rilevanti;

45.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw skemi ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha u jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa u tappoġġa l-attivitajiet tal-Istati Membri rigward is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

46.

Jenfasizza li l-mobilità tax-xogħol hija essenzjali biex tikseb l-aħjar mit-talenti u l-ambizzjonijiet tal-Ewropej, timmassimizza l-prestazzjoni ekonomika u l-prosperità tal-kumpaniji u l-individwi u toffri lin-nies firxa wiesgħa ta' opportunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli eżistenti għall-mobilità fl-Unjoni Ewropea;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' akkomodazzjoni raġonevoli għal persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol (75);

48.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu l-istrateġiji li jżidu mal-faqar fost dawk li jaħdmu, bħal sahra mhux iddikjarata, ippjanar mhux affidabbli jew imprevedibbli tal-ħin tax-xogħol mill-impjegaturi, kuntratti ta' żero sigħat, attivitajiet ekonomiċi mhux iddikjarati u l-ekonomija griża; ifakkar li s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huma r-responsabbiltà tal-impjegaturi u li t-taħriġ relatat max-xogħol irid iseħħ matul il-ħinijiet tax-xogħol;

49.

Jinnota li s-Summit Ewropew tal-Kummissjoni dwar ix-Xogħol fuq Pjattaformi, li fittex li jesplora l-possibbiltajiet biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi, ġie pospost minħabba l-kriżi tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-Kummissjoni torganizza dan is-summit mill-aktar fis possibbli;

50.

Jinnota l-konsegwenzi soċjetali tax-xogħol fuq pjattaforma diġitali, jiġifieri ħaddiema li ma jgawdux mid-drittijiet tax-xogħol u mill-protezzjonijiet soċjali, u li jkollhom kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u taxxi neqsin;

51.

Jirrikonoxxi l-pjan tal-Kummissjoni li tadotta proposta leġiżlattiva (76) dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-pjattaformi u l-ħaddiema jiġu adattati għar-realtajiet ġodda ta' soċjetà u ekonomija diġitalizzati u jiġu ċċarati billi tali ħaddiema jiġu koperti permezz ta' dispożizzjonijiet tal-liġijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali eżistenti, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħiliet u l-edukazzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaformi, u jiġu żgurati sigħat tax-xogħol prevedibbli għall-ħaddiema tal-pjattaformi;

52.

Jisħaq li proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ħaddiema tal-pjattaformi jkunu jistgħu jiffurmaw rappreżentanzi ta' ħaddiema u jorganizzaw ruħhom f'unions biex jikkonkludu ftehimiet kollettivi;

53.

Jistieden lill-Istati Membri jittrasponu b'ħeffa u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata (77);

54.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw, aċċess għal indukrar tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta' kwalità b'mod ġenerali u, b'mod partikolari, għall-ġenituri waħedhom, għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità u għall-ġenituri ta' familji kbar; ifakkar li l-aċċess għall-indukrar tat-tfal huwa ta' importanza partikolari għal dawk li qed ifittxu impjieg u għall-ħaddiema f'sitwazzjoni ta' impjieg instabbli, irrispettivament min-natura tal-kuntratt, kif ukoll l-aċċess għal faċilitajiet ta' indukrar għall-persuni b'diżabilità jew għall-qraba dipendenti, sabiex jiġi evitat li tali ħaddiema b'responsabbiltajiet ta' indukrar jinqabdu f'xogħol prekarju, li spiss iwassal għal faqar fost dawk li jaħdmu;

55.

Jisħaq li għażliet aħjar għal-liv tal-ġenituri kondiviż jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq l-impjieg tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-benefiċjarji tal-ħlas jew tal-allowances tal-liv tal-ġenituri jkunu protetti milli jaqgħu taħt il-linja tal-faqar;

56.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-ugwaljanza, li jiġu indirizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, li jiġu pprovduti opportunitajiet indaqs u li jiġu eliminati d-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni li jaffettwaw gruppi żvantaġġati; jitlob, barra minn hekk, għall-iżblokk immedjat tad-Direttiva orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi parteċipazzjoni u opportunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol u tintroduċi inizjattivi li jippromwovu l-aċċess tan-nisa għall-finanzi, l-intraprenditorija femminili u l-indipendenza finanzjarja tan-nisa;

58.

Jissottolinja li l-indirizzar tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u d-distakk konsegwenzjali fil-pensjonijiet huwa essenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar fost in-nisa li jaħdmu; jinnota l-importanza li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju xieraq għall-indukrar tat-tfal matul il-liv tal-maternità u tal-ġenituri;

59.

Jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw li jqisu r-responsabbiltajiet tat-trobbija tat-tfal fl-iskemi tal-pensjoni meta n-nisa ma jkunux jistgħu jaħdmu u jagħtu l-kontribuzzjonijiet xierqa matul dawn il-perjodi;

60.

Jisħaq li l-miżuri dwar it-trasparenza fil-pagi għandu jkollhom l-għan li tinkiseb paga ugwali u għandhom jippermettu lis-sħab soċjali jikkonkludu ftehimiet kollettivi biex jilħqu dan l-għan;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Strateġija dwar id-Diżabilità lil hinn mill-2020 sabiex tiżgura l-inklużjoni sħiħa ta' persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex jiksbu impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ u jkunu koperti b'liġi tax-xogħol, bi protezzjoni soċjali u b'pagi minimi;

62.

Jistieden lill-Istati Membri biex ma jċaħħdux lill-persuni b'diżabilità mill-intitolamenti ta' diżabilità tagħhom li jkopru l-ispejjeż żejda relatati mad-diżabilità meta jidħlu fis-suq tax-xogħol jew meta jaqbżu ċertu limitu ta' introjtu, peress li din il-prattika tikkontribwixxi għall-faqar fost dawk li jaħdmu; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu biex jappoġġaw lill-persuni b'diżabilità biex jegħlbu l-ostakli;

63.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions tagħhom fuq bażi ugwali ma' oħrajn;

64.

Itenni l-appell tiegħu (78) lill-Kummissjoni biex tippreżenta miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi mingħajr dewmien, f'konformità mal-impenn tagħha fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 (79); iqis li dawn il-miżuri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tas-sħab soċjali nazzjonali;

65.

Jinsisti li t-trasparenza fil-pagi għandha titwettaq mill-impjegaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, u billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs, filwaqt ssir prevenzjoni ta' kwalunkwe prattika li timmina l-kisba tal-prinċipju ta' “paga ugwali għal xogħol ugwali”;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-faqar fost dawk li jaħdmu li jaffettwa liż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri kontra l-impjieg indipendenti fittizju u l-isfruttament ta' ħaddiema żgħażagħ permezz ta' pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol mhux ċari jew inġusti, li jistgħu jirriżultaw f'faqar fost dawk li jaħdmu; jafferma l-ħtieġa urġenti li jiġi rivedut u msaħħaħ il-Qafas Ewropew ta' Kwalità għat-Traineeships sabiex jinkludi l-prinċipju tar-rimunerazzjoni tat-traineeships u l-internships fost il-kriterji tal-kwalità, kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess adegwat għall-iskemi ta' protezzjoni soċjali; jafferma mill-ġdid li l-impjieg taż-żgħażagħ m'għandux jitqies bħala xogħol irħis u li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi ġusti, kif ukoll kuntratti regolari ta' xogħol, ukoll skont l-esperjenzi u l-kwalifiki tagħhom;

67.

Huwa mħasseb li x-xogħol mhux standard u prekarju jista' jiżdied minħabba l-kriżi tal-COVID-19; jisħaq li l-pagi minimi statutorji għandhom ikopru l-ħaddiema kollha, inklużi kategoriji ta' ħaddiema li bħalissa huma esklużi, bħall-ħaddiema mhux standard;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru statistika aktar dettaljata dwar iż-żieda fl-impjiegi prekarji u xi forom ta' impjiegi atipiċi fis-swieq tax-xogħol u biex jieħdu miżuri ta' rispons billi jadattaw u jimmodernizzaw il-liġijiet tax-xogħol eżistenti;

69.

Jilqa' l-inizjattivi tal-Istati Membri mmirati lejn it-tnaqqis tal-impjiegi prekarji u l-eliminazzjoni ta' prattiki frawdolenti maħsuba biex iwaqqgħu l-pagi u jevitaw il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (80) u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, kif definit mit-Trattati;

70.

Ifakkar lill-Istati Membri li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom ikomplu joffru kemm jista' jkun opportunitajiet għal impjiegi ta' kwalità;

71.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu b'mod gradwali l-użu ta' kuntratti ta' żero sigħat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw ix-xogħol part-time involontarju u jagħmlu sforzi qawwija biex jippromwovu l-impjieg miftuħ u biex jirrestrinġu l-użu ta' kuntratti temporanji mġedda kontinwament;

72.

Jemmen bis-sħiħ li l-impjegaturi għandhom iġorru r-responsabbiltà sħiħa li jipprovdu t-tagħmir, l-ilbies u l-assigurazzjoni meħtieġa lill-impjegati biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr spejjeż għall-ħaddiema nfushom; jisħaq li l-impjegaturi huwa kompletament responsabbli għall-ispejjeż jew għat-taħriġ meħtieġ mill-impjegati biex iwettqu r-rwol tagħhom;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-infurzar xieraq tad-dritt tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u, b'mod partikolari, jiżguraw li l-ħaddiema jkunu infurmati dwar id-drittijiet, l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali tagħhom f'lingwa li jifhmu qabel ma jiffirmaw il-kuntratti tagħhom (81); jistieden lill-ELA u lill-Istati Membri jissorveljaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol u dik soċjali applikabbli; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu spezzjonijiet tax-xogħol u jinvolvu lill-ELA f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

74.

Jisħaq li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol iwettqu kontrolli u spezzjonijiet effettivi u adegwati, jipprovdu mekkaniżmi xierqa għall-ilmenti, u jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, b'mod partikolari dawk b'impjieg prekarju u b'xi forma ta' impjieg atipiku, u jiżguraw il-finanzjament adegwat tagħhom;

75.

Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw id-direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema sabiex jiżguraw protezzjoni ġenwina tal-ħaddiema f'din il-kategorija;

76.

Jenfasizza li l-monitoraġġ u l-kontroll huma ta' importanza partikolari f'każijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaħdmu fl-Unjoni sabiex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom u jiġu evitati l-abbużi; jistieden lill-Istati Membri jsegwu kooperazzjoni intensiva mal-ELA f'dan ir-rigward;

77.

Jitlob li l-ELA jkollha setgħat reali ta' spezzjoni sabiex tiġġieled b'mod effettiv il-prattiki illegali u l-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema;

78.

Jilqa' l-linji gwida tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2020 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema staġonali u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2020 dwar il-ħaddiema staġonali;

79.

Jieħu nota tal-għadd kbir ta' petizzjonijiet li rċieva l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jiġbdu l-attenzjoni tiegħu dwar l-użu abbużiv ta' kuntratti b'terminu fiss, kemm fis-settur pubbliku (82) kif ukoll f'dak privat (83), u jinnota f'dan ir-rigward li l-aktar kawża tal-istress tax-xogħol li tissemma b'mod frekwenti hija l-prekarjetà tal-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza dawn il-petizzjonijiet u tipprovdi rispons aħjar, f'konformità mal-kompetenzi tagħha u ma' dawk tal-Istati Membri, sabiex tiġġieled kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu, l-esklużjoni soċjali u x-xogħol prekarju b'mod effettiv;

80.

Iqis il-prostituzzjoni bħala forma serja ta' vjolenza u sfruttament, li tolqot l-aktar lin-nisa u lit-tfal; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi biex jiġu miġġielda l-kawżi ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-prostituzzjoni u jappoġġaw miżuri għall-persuni li jiġu pprostitwiti biex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom;

81.

Huwa tal-fehma li għandha ssir aktar enfasi fuq il-valuri u l-politiki li jippromwovu x-xogħol u r-rabta tiegħu mat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni, u li tali valuri u politiki għandhom jagħtu kontribut sinifikanti għat-titjib tal-ambjent soċjali u fiżiku tagħhom;

82.

Jilqa' l-adozzjoni tal-Pakkett dwar il-Mobilità; jemmen li l-Pakkett dwar il-Mobilità huwa għodda b'saħħitha biex bih jiġu miġġielda d-dumping soċjali u l-faqar fost dawk li jaħdmu fis-settur tat-trasport; jappella għall-implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-Regolament (UE) 2020/1054 (84) dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-perjodi ta' mistrieħ u t-takografi għall-benefiċċju tas-sewwieqa tat-trakkijiet madwar l-Ewropa; jisħaq li inizjattivi ulterjuri u simili jridu jittieħdu biex jiġu indirizzati d-dumping soċjali u l-faqar fost dawk li jaħdmu f'industriji oħra affettwati minn dumping soċjali u kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, bħal fit-trasport bl-ajru u fl-industrija tat-tbaħħir;

83.

Jemmen li l-internships għandhom jitqiesu mill-kumpaniji bħala investiment u mhux bħala xogħol b'xejn; ifakkar li ż-żgħażagħ spiss ma jkollhomx sorsi oħra ta' introjtu waqt li jaħdmu bħala interns; iqis li l-kontribut mill-interns huwa siewi u essenzjali u li l-interns jistħoqqilhom jitħallsu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu l-prattika ta' internships mhux imħallsa u jiggarantixxu internships ta' kwalità għolja bi ħlas deċenti;

84.

Jemmen li l-ħaddiema adulti żgħażagħ għandhom jitħallsu fuq il-bażi tal-livell ta' esperjenza tagħhom u m'għandhomx isofru diskriminazzjoni fil-forma ta' pagi sinifikament aktar baxxi esklussivament ibbażati fuq l-età tagħhom; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jtemmu l-prattika ta' pagi subminimi statutorji għal ħaddiema adulti żgħażagħ;

Ftehimiet kollettivi

85.

Jinnota li l-awtonomija tas-sħab soċjali hija element prezzjuż u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata f'kull Stat Membru u li tiġi ssorveljata l-konformità magħha fil-livell tal-UE; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni (85) biex tadotta programm ta' azzjoni bil-għan li tipproteġi u ssaħħaħ is-sistemi ta' negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, speċjalment fil-livell settorjali;

86.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-FSE+ għall-bini tal-kapaċitajiet fost is-sħab soċjali bl-għan li jissaħħaħ in-negozjar kollettiv fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi meħtieġa biex jappoġġaw in-negozjar kollettiv, b'enfasi partikolari fuq in-negozjar kollettiv settorjali; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw u jinvolvu lis-sħab soċjali nazzjonali fit-tfassil tal-liġijiet kull meta jkun rilevanti;

87.

Jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri li jippermettu kundizzjonijiet għan-negozjar kollettiv fejn il-kopertura tkun inqas minn 70 % (86) tal-ħaddiema; jisħaq li s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-bidu ta' kwalunkwe azzjoni bħal din; jemmen li kwalunkwe azzjoni meħuda f'dan ir-rigward m'għandhiex tinterferixxi mal-awtonomija tas-sħab soċjali;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt ta' organizzazzjoni tal-ħaddiema kollha u d-dritt li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi, u li tittieħed azzjoni immedjata meta dan id-dritt jinkiser;

89.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-unions ikollhom aċċess għall-post tax-xogħol, inkluż ix-xogħol mill-bogħod, għall-finijiet tal-organizzazzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni;

90.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb id-direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku (87) biex tipprevjeni l-kompetizzjoni għad-detriment tal-pagi sabiex dawk li ma jimminawx il-ftehimiet kollettivi eżistenti biss ikunu jistgħu jressqu offerta b'suċċess; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw konformità, monitoraġġ u infurzar;

91.

Jirrikonoxxi li d-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni wasslu għal żieda sinifikanti ta' impjieg indipendenti u forom atipiċi ta' xogħol; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tivvaluta jekk huwiex meħtieġ li jiġu adottati miżuri fil-livell tal-UE li jippermettu individwi li jaħdmu għal rashom waħidhom biex jingħaqdu u jikkonkludu ftehimiet kollettivi, kif ukoll l-impenn tagħha li tipproponi bidliet regolatorji fejn meħtieġ u l-konsultazzjoni pubblika reċenti f'dan ir-rigward; jistenna l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt dwar l-għażliet inizjali għal azzjonijiet futuri; jisħaq li dan m'għandux iservi ta' dewmien għall-ebda inizjattiva oħra mill-Kummissjoni biex tindirizza l-impjieg indipendenti fittizju u tiżgura drittijiet għal ħaddiema mhux standard;

92.

Jemmen li kull ħaddiem jeħtieġ ikollu aċċess għal rendikont sħiħ dwar min hu l-impjegatur tiegħu u dwar id-drittijiet tas-salarji u tax-xogħol tiegħu, skont il-ftehim kollettiv settorjali jew skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; jemmen li din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-ispettorati tax-xogħol; jemmen li din tista' tieħu l-forma ta' karta tal-identità speċjali għall-ħaddiema transfruntiera, li diġà wriet li hija effettiva f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tintroduċi minnufih Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew diġitali; jemmen li Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew għandu potenzjal qawwi li jservi bħala mekkaniżmu ta' kontroll kemm għall-individwi kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti, sabiex jiggarantixxi li s-sigurtà soċjali titħallas skont r-regoli, u biex tiġi miġġielda l-frodi soċjali;

Impatti soċjali b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19

93.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rispons fil-livell tal-UE biex testendi l-appoġġ għall-SMEs immexxija min-nisa waqt u wara l-kriżi;

94.

Jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq il-ħaddiema u l-persuni żvantaġġati; jissottolinja li r-reazzjonijiet ta' politika għall-pandemija għandhom ikunu ffukati fuq il-bniedem u mibnija fuq is-solidarjetà globali; jinsisti li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar u l-faqar fost dawk li jaħdmu huma partikolarment meħtieġa u għandu jkollhom l-għan li jwasslu għal irkupru rapidu, ġust u ekoloġiku; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni adegwata għall-ħaddiema vulnerabbli kollha matul il-pandemija u jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet effettivi, prattiċi u ekwi għall-isfidi ppreżentati mill-pandemija; ifakkar, f'dan ir-rigward, li proporzjon suffiċjenti ta' riżorsi addizzjonali fl-ambitu ta' REACT-EU għandu jintuża biex tiżdied id-disponibbiltà tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn; jissottolinja bl-istess mod l-importanza li jiġi żgurat li l-FSE+ jiġi allokat riżorsi suffiċjenti fil-qafas finanzjarju pluriennali;

95.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-impatt ekonomiku ta' skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, għall-persuni li ngħataw is-sensja b'mod permanenti jew temporanju, u għall-impatt soċjali fuq nies b'għajxien prekarju; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar mhumiex identiċi fl-Istati Membri kollha u li l-allowances ivarjaw b'mod konsiderevoli, b'impjegati li jirċievu allowances baxxi partikolarment mhedda mill-faqar fost dawk li jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, għal dan il-għan, jipproteġu lill-ħaddiema biex jgħinuhom iżommu l-impjieg tagħhom, inkluż billi jipprovdu appoġġ finanzjarju bħal pereżempju permezz ta' skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u appoġġ għal dawk b'impjieg prekarju u b'xi forom ta' xogħol atipiku, u biex jikkunsidraw appoġġ finanzjarju għal xi tipi ta' individwi li jaħdmu għal rashom waħedhom li tilfu l-bażi finanzjarja tagħhom minħabba l-kriżi; jistieden lill-Istati Membri biex, barra minn hekk, jipproteġu lin-nies b'għajxien prekarju;

96.

Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw standards minimi għall-assigurazzjonijiet tal-qgħad nazzjonali rispettivi u s-sistemi minimi ta' sigurtà tagħhom fil-forma ta' qafas legali sabiex itejbu is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema u r-residenti fl-Ewropa;

97.

Jitlob li jittieħdu miżuri biex tiġi evitata żieda mġedda fl-impjieg part-time involontarju b'riżultat tal-COVID-19;

98.

Ifakkar fir-rapporti inkwetanti li ġew rivelati matul il-kriżi rigward il-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali f'termini tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-prattiki abbużivi u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali u transfruntiera impjegati tul il-katina tas-sottokuntrattar u tal-provvista; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jiżguraw faċilitajiet ta' akkomodazzjoni xierqa u bi prezz raġonevoli għall-ħaddiema, mingħajr ma l-ispejjeż tagħhom jitnaqqsu mis-salarji tal-ħaddiema;

99.

Jisħaq li l-kriżi tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-impjiegi fi professjonijiet identifikati bħala sistemikament importanti għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna; ifakkar li ħafna minn dawn il-ħaddiema tal-ewwel linja jinsabu f'impjiegi b'pagi baxxi f'xi Stati Membri, ħafna drabi huma sottovalutati u mhux imħallsa biżżejjed, u spiss ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol mhux siguri, parzjalment minħabba nuqqas ta' protezzjoni soċjali u tas-saħħa; jisħaq li dawn il-professjonijiet jitwettqu l-aktar min-nisa; jindika l-ħtieġa ta' konverġenza 'l fuq fir-rigward tal-għoti tal-kura;

100.

Jisħaq li sabiex ilaħħqu ma' xokkijiet kbar, l-Istati Membri għandhom jadottaw strateġiji fit-tul biex jippreservaw l-impjiegi u l-kwalifiki tal-ħaddiema u jtaffu mill-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali;

101.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija tal-UE għall-indukrar, li twieġeb għall-impatti soċjali fuq dawk b'responsabbiltajiet ta' indukrar, li b'mod sproporzjonat huma nisa; jisħaq li din l-istrateġija għandha tirrikjedi investiment sinifikanti fl-ekonomija tal-indukrar, issaħħaħ il-politiki biex tibbilanċja r-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-indukrar matul il-ħajja ta' persuna u timla l-postijiet vakanti ta' ħaddiema, b'mod partikolari permezz tat-taħriġ, ir-rikonoxximent tal-ħiliet u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar f'dawn is-setturi;

102.

Jistenna l-proposta li jmiss tal-Kummissjoni għal skema Ewropea fit-tul ta' riassigurazzjoni tal-benefiċċju tal-qgħad, filwaqt li jitqies il-fatt li s-sensji tal-impjiegi x'aktarx jiżdiedu; jitlob li din il-proposta tkopri pajjiżi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), bil-possibbiltà li pajjiżi li mhumiex fl-UEM jitħallew jissieħbu;

103.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtaffu l-aktar konsegwenzi diffiċli tal-COVID-19 permezz ta' appoġġ immirat tal-UE u nazzjonali u l-allokazzjoni ta' riżorsi adegwati; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħolqien tal-istrument temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE) u jistieden lill-Istati Membri jimplimentawh malajr; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-assistenza finanzjarja ma tingħatax lil impriżi rreġistrati fil-pajjiżi elenkati fl-Anness 1 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji jikkonformaw mal-valuri fundamentali minquxa fit-Trattati u li l-kumpaniji li jirċievu appoġġ finanzjarju pubbliku jipproteġu lill-ħaddiema, jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, jirrispettaw it-trade unions u l-ftehimiet kollettivi applikabbli, iħallsu s-sehem tagħhom tat-taxxi, u joqogħdu lura milli jwettqu riakkwist ta' ishma jew iħallsu bonusijiet lill-maniġment jew dividendi lill-azzjonisti;

104.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu f'żieda fl-aċċess għall-internet broadband, edukazzjoni u tagħlim mill-bogħod f'żoni rurali li qegħdin f'riskju ta' depopolazzjoni u ta' faqar ġenerazzjonali;

105.

Jipproponi li jittieħdu miżuri proattivi fil-ġlieda kontra l-qgħad għoli potenzjali permezz ta' politiki u programmi ta' impjiegi nazzjonali u tal-UE u li jitrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali, soċjali, sostenibbli u ġusti li ma jħallu lil ħadd jibqa' lura billi jsiru investimenti f'impjiegi ta' kwalità għolja ġodda, sostenibbli u aċċessibbli, fi programmi ta' taħriġ mill-ġdid, f'infrastruttura orjentata lejn il-futur, u f'innovazzjoni u bidla diġitali; jemmen li għandha tkun iddedikata kunsiderazzjoni partikolari għat-trawwim tal-impjieg taż-żgħażagħ;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni billi jqisu l-partikolaritajiet reġjonali, u għalhekk jiggarantixxu allokazzjoni rapida tal-finanzjament disponibbli, pereżempju permezz ta' taħriġ f'impjiegi orjentati lejn il-futur, titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid u billi l-FSE+ jiġi żviluppat finanzjarjament għal dan il-għan;

107.

Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw b'mod partikolari setturi karatterizzati minn livell għoli ta' insigurtà tal-impjiegi, biex jipprevjenu l-abbuż tal-ħaddiema f'pożizzjonijiet temporanji fis-settur agrikolu, fejn il-ħaddiema staġjonali jħabbtu wiċċhom ma' kundizzjonijiet tal-impjieg abbużivi li f'xi każijiet jiksru mhux biss id-drittijiet tax-xogħol, iżda wkoll id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema;

108.

Jisħaq li l-ħaddiema b'introjtu baxx huma f'riskju ogħla li jkunu esposti għal COVID-19 billi jaħdmu f'setturi b'aktar kuntatt uman, bħas-setturi tal-kura u tat-trasport, jew billi jibdew jaħdmu permezz ta' pjattaformi online mingħajr l-ebda possibbiltà ta' telexogħol; jikkritika bil-qawwa l-perjodu twil ta' implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-COVID-19 fid-Direttiva dwar l-Aġenti Bijoloġiċi (88); jitlob reviżjoni urġenti tad-Direttiva dwar l-Aġenti Bijoloġiċi bil-ħsieb li tiġi adattata għall-pandemiji globali u ċirkostanzi straordinarji oħra sabiex tkun assigurata mill-aktar fis possibbli l-protezzjoni sħiħa tal-ħaddiema mir-riskji ta' espożizzjoni;

109.

Jenfasizza li l-ħaddiema b'introjtu baxx ħafna drabi jaħdmu f'setturi b'riskji għoljin ta' deterjorazzjoni fiżika, li potenzjalment għandha impatti fit-tul fuq il-benesseri fiżiku u mentali tagħhom u taffettwa l-kapaċità tagħhom li jaqilgħu introjtu fil-futur; jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali dwar is-saħħa u s-sikurezza m'għandhiex enfasi suffiċjenti fuq il-prevenzjoni ta' korrimenti okkupazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun tipproponi qafas strateġiku ġdid għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol wara l-2020 u jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tidentifika l-isfidi ffaċċjati u tippreżenta strumenti għall-ħaddiema f'setturi b'introjtu baxx biex tindirizza dawn l-isfidi; jisħaq li l-istrateġija trid tinkludi enfasi fuq il-ħaddiema tal-pjattaforma u l-ħaddiema f'tipi ta' xogħol mhux standard; jistieden lill-Kummissjoni temenda d-Direttiva 2004/37/KE (89) biex tirrevedi u tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-valuri ta' limitu ta' esponiment okkupazzjonali għal numru ta' sustanzi li jikkawżaw il-kanċer jew il-mutazzjoni;

110.

Jenfasizza li l-istress relatat max-xogħol huwa esperjenzat b'mod wiesa' f'setturi b'introjtu baxx; jemmen li l-istress relatat max-xogħol irid ikun prijorità ewlenija fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali nazzjonali, biex jipproponu direttiva dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-kumpaniji dwar l-istress relatat max-xogħol biex jindirizzaw il-fatturi ta' stress relatati max-xogħol u jirrikjedu li l-kumpaniji kollha jifformulaw politika tal-kumpanija dwar l-istress relatat max-xogħol;

111.

Iqis ta' importanza estrema li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' rkupru għall-Ewropa timmira li teqred il-faqar u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u tkun ibbażata fuq mekkaniżmu effettiv b'miri u punti ta' riferiment li jkun possibbli jittieħed kejl preċiż tal-progress miksub; jenfasizza li l-Parlament Ewropew irid ikun involut bis-sħiħ kemm fl-iskrutinju ex-ante kif ukoll ex-post tal-pjan ta' rkupru u li l-Membri eletti tiegħu kollha jridu jingħataw rwol formali sabiex jiġi żgurat proċess ta' evalwazzjoni u implimentazzjoni kompletament demokratiku u trasparenti;

o

o o

112.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(2)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(4)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

(5)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0176.

(7)  ĠU C 366, 27.10.2017, p. 19.

(8)  ĠU C 482, 23.12.2016, p. 31.

(9)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.

(10)  ĠU C 363, 28.10.2020, p. 164.

(11)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 156.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(13)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 88.

(14)  https://www.ituc-csi.org/ituc-global-rights-index-2019

(15)  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_01_41/default/table?lang=en

(16)  Household Finance and Consumption Network, “The Household Finance and Consumption Survey: Results from the 2017 wave”, (L-istħarriġ dwar il-finanzi u l-konsum tal-unitajiet domestiċi: Riżultati mill-mewġa tal-2017) Statistics Paper Series tal-BĊE Nru 36, Marzu 2020, p. 25. https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpsps/ecb.sps36~0245ed80c7.en.pdf?bd73411fbeb0a33928ce4c5ef2c5e872

(17)  Household Finance and Consumption Network, “The Household Finance and Consumption Survey: Wave 2017 – Statistical tables” (L-istħarriġ dwar il-finanzi u l-konsum tal-unitajiet domestiċi: Riżultati mill-mewġa tal-2017 – Tabelli statistiċi), Ġunju 2020, p. 5. https://www.ecb.europa.eu/home/pdf/research/hfcn/HFCS_Statistical_Tables_Wave_2017.pdf?656f4e10de45c91c3c882840e9174eac

(18)  https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/society/20200227STO73519/id-differenza-bejn-il-pagi-tal-irgiel-u-n-nisa-fatti-u-cifri-infografika

(19)  L-aġġustament huwa metodu statistiku li jippermetti li l-popolazzjonijiet jitqabblu billi jitqiesu d-differenzi fid-distribuzzjoni ta' fatturi differenti (settur ta' attività, età, okkupazzjoni eċċ.) bejn dawn il-popolazzjonijiet. Id-differenza mhux aġġustata bejn il-ġeneri fil-pagi tiġi kkalkulata bħala d-differenza relattiva bejn il-qligħ medju fis-siegħa tan-nisa u tal-irġiel. Dan jipprovdi indikatur sempliċi tal-inugwaljanzi fil-pagi, u din hija r-raġuni għalfejn jintuża b'mod estensiv minn dawk li jfasslu l-politika. Madankollu, id-differenza mhux aġġustata bejn il-ġeneri fil-pagi tinkludi wkoll kemm id-diskriminazzjoni possibbli bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' “paga mhux ugwali għal xogħol ugwali” kif ukoll l-impatt tad-differenzi fil-karatteristiċi medji tal-irġiel u tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/aid_development_cooperation_fundamental_rights/report-gender-pay-gap-eu-countries_october2018_en_0.pdf.

(20)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/EDN-20181017-1?inheritRedirect=true

(21)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Gender_pay_gap_statistics#Gender_pay_gap_much_lower_for_young_employees

(22)  https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2016-eu-minorities-survey-roma-selected-findings_en.pdf

(23)  http://ergonetwork.org/2020/04/eu-recovery-plan-the-case-of-roma/

(24)  Il-kwalità tal-ħajja hija l-kunċett ta' benesseri tal-bniedem imkejjel b'indikaturi soċjali minflok b'miżuri kwantitattivi ta' introjtu u produzzjoni (sors: Eurostat).

(25)  Il-privazzjoni materjali tirreferi għal stat ta' pressjoni ekonomika, definita bħala l-inabbiltà infurzata ta' persuna (aktar milli l-għażla tagħha li ma tagħmilx hekk) li tħallas spejjeż mhux mistennija jew li taffordja vaganza annwali ta' ġimgħa 'l bogħod mid-dar, ikla li tinvolvi laħam, tiġieġ jew ħut kull jumejn, it-tisħin adegwat ta' abitazzjoni jew oġġetti durabbli bħal magna tal-ħasil jew televixin tal-kulur. Intant, il-privazzjoni materjali estrema tirreferi għall-inabbiltà li persuna taffordja mill-inqas 4 mill-11-il kategorija li ġejjin: pagamenti ta' ipoteki jew kera, kontijiet tal-utilità, pagamenti parzjali għal lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri jew pagamenti oħra ta' self, vaganza annwali ta' ġimgħa, ikla li tinvolvi laħam, ħut jew ikel b'ekwivalenza ta' proteina kull jumejn, spejjeż finanzjarji mhux mistennija, telefown (inkluż il-mowbajl), televixin tal-kulur, magna tal-ħasil, karozza jew tisħin (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Quality_of_life_indicators_-_material_living_conditions#General_overview).

(26)  L-indikatur “persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità tax-xogħol baxxa ħafna” huwa definit bħala l-għadd ta' persuni li jgħixu f'unità domestika fejn il-membri fl-età tax-xogħol ħadmu inqas minn 20 % tal-potenzjal totali tagħhom matul it-12-il xahar preċedenti. L-intensità tax-xogħol ta' unità domestika hija l-proporzjon tal-għadd totali ta' xhur li l-membri kollha fl-età tax-xogħol ta' unità domestika jkunu ħadmu matul is-sena ta' referenza tal-introjtu u l-għadd totali ta' xhur li l-istess membri tal-unità domestika teoretikament setgħu ħadmu fl-istess perjodu. Persuna fl-età tax-xogħol hija persuna ta' bejn 18 u 59 sena, minbarra l-istudenti ta' bejn 18 u 24 sena. L-unitajiet domestiċi magħmula biss minn tfal, minn studenti ta' inqas minn 25 sena u/jew minn persuni ta' 60 sena jew aktar huma esklużi kompletament mill-kalkolu tal-indikatur.

(27)  Eurofond, “In-work poverty in EU” (Il-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE), 5 ta' Settembru 2017.

(28)  Kif definit fid-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(29)  Eurofond, “In-work poverty in EU” (Il-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE), 5 ta' Settembru 2017.

(30)  https://ec.europa.eu/energy/content/introduction-5_en

(31)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Digital_economy_and_society_statistics_-_households_and_individuals

(32)  Unità domestika, fil-kuntest tal-istħarriġ dwar il-kundizzjonijiet soċjali, hija definita bħala unità ta' ġestjoni domestika jew, operazzjonalment, bħala unità soċjali: li jkollha arranġamenti komuni; li tikkondividi l-ispejjeż tal-unità domestika jew il-bżonnijiet ta' kuljum; f'residenza komuni kondiviża. Unità domestika tinkludi jew persuna waħda li tgħix waħedha jew grupp ta' persuni, mhux neċessarjament relatati, li jgħixu fl-istess indirizz b'ġestjoni ekonomika domestika komuni, jiġifieri jaqsmu tal-inqas ikla waħda kuljum jew jaqsmu living room jew salott.

(33)  https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/10163468/3-16102019-CP-EN.pdf/edc3178f-ae3e-9973-f147-b839ee522578

(34)  Eurostat, “EU statistics on income and living conditions (EU-SILC) methodology – 2011 intergenerational transmission of disadvantages” (Metodoloġija tal-Istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien (EU-SILC) – 2011 trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi) (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/EU_statistics_on_income_and_living_conditions_(EU-SILC)_methodology_-_2011_intergenerational_transmission_of_disadvantages).

(35)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Quality_of_life_indicators_-_material_living_conditions#General_overview

(36)  Il-perċentwal tal-popolazzjoni li tgħix f'unità domestika fejn il-kostijiet totali tal-abitazzjoni (netti mill-allowances tal-abitazzjoni) jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli totali tal-unità domestika (nett mill-allowances tal-abitazzjoni).

(37)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Housing_statistics#Housing_affordability

(38)  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tessi163/default/table?lang=en

(39)  https://www.europarl.europa.eu/news/mt/agenda/briefing/2020-01-13/11/housing-urgent-action-needed-to-address-homelessness-in-europe-to-address-homelessness-in-europe

(40)  https://www.feantsa.org/public/user/Resources/magazine/2019/Spring/Homeless_in_Europe_magazine_-_Spring_2019.pdf; https://www.feantsa.org/en/news/2020/07/23/fifth-overview-of-housing-exclusion-in-europe-2020

(41)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20190122-1?inheritRedirect=true

(42)  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tessi012/default/table?lang=en

(43)  OECD, Visser (2016) Database ICTWSS.

https://www.etuc.org/en/document/etuc-reply-first-phase-consultation-social-partners-under-article-154-tfeu-possible-action, p. 6, nru 15.

(44)  Eurofound, “Industrial relations: Developments 2015–2019” (Relazzjonijiet industrijali: Żviluppi 2015–2019), 11 ta' Diċembru 2020.

(45)  https://www.ituc-csi.org/IMG/pdf/2019-06-ituc-global-rights-index-2019-report-en-2.pdf

(46)  OECD, “Negotiating Our Way Up: Collective Bargaining in a Changing World of Work” (Ninnegozjaw il-mod kif għandna nimxu 'l quddiem: Negozjar kollettiv f'dinja tax-xogħol li qed tinbidel), 18 ta' Novembru 2019, Illustrazzjoni 3.10, p. 125.

(47)  Van den Berg, A., Grift, Y., van Witteloostuijn, A., “The effect of employee workplace representation on firm performance: a cross-country comparison within Europe” (L-effett tar-rappreżentanza tal-impjegati fuq il-post tax-xogħol fuq il-prestazzjoni ta' kumpanija: tqabbil fost il-pajjiżi fl-Ewropa), Dokument ta' Riċerka 2013-008, ACED 2013-016, l-Università ta' Antwerp, April 2013.

(48)  https://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/society/20200604STO80506/il-parlament-jitlob-strategija-gdida-u-ambizzjuza-dwar-id-dizabilita

(49)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/pdfscache/34425.pdfhttps://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/pdfscache/34425.pdf

(50)  L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Ġeneri 2019.

(51)  https://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2014_2019/documents/empl/dv/empl20141120-wss-people-disabilities-/empl20141120-wss-people-disabilities-en.pdf

(52)  Eurostat Statistics Explained, “Europe 2020 indicators – poverty and social exclusion” (Indikaturi tal-Ewropa 2020 – faqar u esklużjoni soċjali), 11 ta' Ġunju 2020 (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Archive:Europe_2020_indicators_-_poverty_and_social_exclusion&oldid=394836).

(53)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=89&furtherNews=yes&langId=mt&newsId=9378

(54)  Eurofond, “In-work poverty in EU” (Il-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE), 5 ta' Settembru 2017.

(55)  https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ilc_peps04/default/table?lang=en

(56)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Minimum_wage_statistics

(57)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Minimum_wage_statistics#Minimum_wages_expressed_in_purchasing_power_standards

(58)  Eurofound, “Minimum wages in 2020: Annual review” (Il-pagi minimi fl-2020: Analiżi annwali), 4 ta' Ġunju 2020.

(59)  ETUI, Benchmarking Working Europe 2019, kapitolu “Labour market and social developments” (Is-suq tax-xogħol u l-iżviluppi soċjali), 2019.

https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=89&furtherNews=yes&langId=mt&newsId=9378

(60)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/587285/IPOL_STU(2016)587285_EN.pdf

(61)  Eurofound, “In-work poverty in the EU” (Il-faqar fost dawk li jaħdmu fl-UE), 5 ta' Settembru 2017 (https://www.eurofound.europa.eu/mt/publications/report/2017/in-work-poverty-in-the-eu).

(62)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20200511-1

(63)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20200511-1

(64)  https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef18001en.pdf

(65)  https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef18001en.pdf

(66)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20190517-1

(67)  Eurofound, “Living, Working and COVID-19 data” (Data dwar l-għajxien, ix-xogħol u l-COVID-19), 28 ta' Settembru 2020 (https://www.eurofound.europa.eu/mt/data/covid-19).

(68)  Eurofound, “Living, Working and COVID-19 data” (Data dwar l-għajxien, ix-xogħol u l-COVID-19), 28 ta' Settembru 2020 (https://www.eurofound.europa.eu/mt/data/covid-19).

(69)  https://www.worldbank.org/en/topic/poverty/brief/projected-poverty-impacts-of-COVID-19

(70)  “Employment and Social Developments in Europe 2019” (L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2019) (https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8219).

(71)  “L-ewwel pilastru” ta' approċċ tipiku fuq tliet pilastri għall-pensjonijiet jikkonsisti f'pensjonijiet statutorji pubbliċi amministrati mill-istat u normalment iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali u/jew dħul ġenerali mit-taxxa fuq bażi ta' Ħallas Waqt Li Tkun Għaddej. Sors: Briefing tal-EPRS, “European Union pension systems: adequate and sustainable?” (Is-sistemi tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea: adegwati u sostenibbli?), Novembru 2015.

(72)  Skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal (ĠU C 366, 27.10.2017, p. 19) u l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019–2024: “Biex kull tifel jew tifla fil-bżonn isib appoġġ, se noħloq il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, li ssegwi l-idea proposta mill-Parlament Ewropew”.

(73)  “Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa”, Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024.

(74)  Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).

(75)  L-għoti ta' akkomodazzjoni raġonevoli huwa obbligu skont id-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16) u l-Artikolu 5 tas-CRPD tan-NU.

(76)  L-Annessi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2021 (COM(2020)0690), objettiv ta' politika Nru 9 taħt it-taqsima intitolata “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali”.

(77)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(78)  Ir-riżoluzzjoni tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, paragrafu 2 (Testi adottati, P9_TA(2020)0025).

(79)  Skont l-istrateġija, il-Kummissjoni kellha tressaq miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi sa tmiem l-2020.

(80)  Bħall-istabbiliment ta' sussidji (jew kumpaniji fantażmi) u/jew aġenziji tax-xogħol temporanju fi Stati Membri b'pagi aktar baxxi għall-iskop uniku li jintużaw ħaddiema stazzjonati minflok ma jiġu impjegati ħaddiema lokali.

(81)  Kif stabbilit mid-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).

(82)  Dawn jinkludu l-petizzjonijiet 0240/18, 0328/18, 0365/18, 0374/18, 0396/18, 0419/18, 0829/2018, 0897/2018, 1161/2018, 0290/19, 0310/2019, 0335/2019, 0579/19, 0624/19, 0652/19, 0683/2019, 0737/2019, 1017/19, 1045/2019, 1241/2019, 1318/2019 u 0036/2020.

(83)  Dawn jinkludu l-petizzjonijiet 1378/2013, 0019/2016, 0020/2016, 0021/2016, 0099/2017, 1162/2017, 0110/2018 u 0335/2019.

(84)  Ir-Regolament (KE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 1).

(85)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2020 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0682).

(86)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2020 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0682).

(87)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1); Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65); Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u id-Direttiva li tħassar 2004/17/KE(ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(88)  Id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Settembru 2000, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21).

(89)  Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/82


P9_TA(2021)0045

L-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u fuq l-isport (2020/2864(RSP))

(2021/C 465/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Protokoll (Nru 2) tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2020 dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità intellettwali u l-familji tagħhom fil-kriżi tal-COVID-19 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-futur tal-edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19 (5),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u l-isport (O-000074/2020 – B9-0005/2021),

wara li kkunsidra r-Regoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

A.

billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (6), il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa qed tolqot liż-żgħażagħ b'mod sproporzjonat qawwi u x'aktarx li jġarrbu effetti negattivi serji u fit-tul għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi, is-saħħa u l-benesseri tagħhom, inklużi opportunitajiet mitlufa ta' edukazzjoni, volontarjat u taħriġ fi stadju kruċjali tal-iżvilupp tagħhom;

B.

billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-funzjonament tal-programmi tal-UE għaż-żgħażagħ u l-edukazzjoni fuq il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-volontarjat, fuq is-sistemi edukattivi nazzjonali, fuq l-impjiegi u l-introjtu, u fuq il-libertajiet ċivili qed jiggrava l-inugwaljanzi, kif tixhed l-istatistika tal-OECD, li turi li madwar nofs biss tal-istudenti tal-iskola jistgħu jaċċessaw il-kurrikulu kollu jew kważi kollu, minkejja l-isforzi tal-pajjiżi biex jipprovdu soluzzjonijiet ta' tagħlim online; billi din is-sitwazzjoni qed tiggrava l-konsegwenzi tad-distakk diġitali u qed ixxekkel l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali meħtieġa, filwaqt li l-aċċess għall-kurrikuli tal-iskejjel mhux dejjem ifisser li l-istudenti f'diffikultà jkunu jistgħu jitgħallmu;

C.

billi ż-żgħażagħ huma fil-qalba ta' azzjonijiet motivati mis-solidarjetà biex iwieġbu għall-ħtiġijiet fil-komunitajiet tagħhom fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, minn tmexxija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-ħidma fuq quddiem nett bħala parti mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, għal inizjattivi oħra ta' volontarjat;

D.

billi l-effetti negattivi tal-pandemija tant huma estensivi li komplew jikkontribwixxu għat-tiċkin tal-ispazju ċiviku fl-Istati Membri madwar l-Ewropa u probabbilment ħafna organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-isport se jkollhom jagħlqu, u dan se jkollu impatt negattiv fuq l-istrutturi stabbiliti tal-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali u se jillimita sostanzjalment l-impenn ċiviku;

E.

billi l-effetti psikosoċjali tal-COVID-19 jaffettwaw is-saħħa mentali u l-kapaċità ta' soċjalizzazzjoni taż-żgħażagħ kemm minħabba fatturi immedjati kif ukoll minħabba fatturi aktar fit-tul; billi n-nuqqas ta' attivitajiet ta' divertiment u restrizzjonijiet soċjali għandhom effett sproporzjonat fuq it-tfal u ż-żgħażagħ b'diżabilità;

F.

billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt devastanti fuq l-isport u setturi u industriji relatati; billi l-impatt ekonomiku fuq l-isport professjonali kien enormi peress li d-dħul naqas drastikament minħabba li bosta avvenimenti fil-livelli kollha kellhom jiġu kkanċellati jew kellhom isiru mingħajr spettaturi;

G.

billi l-impatt tal-pandemija li għadu għaddej fuq l-isport semiprofessjonali u għad-dilettanti u fuq ir-rikreazzjoni huwa devastanti u ħafna mill-klabbs sportivi qed jiffaċċjaw theddida eżistenzjali minħabba li huma intrinsikament mingħajr skop ta' qligħ u fil-biċċa l-kbira jaħdmu fuq bażi volontarja u għalhekk joperaw mingħajr riżervi finanzjarji;

H.

billi r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta' possibilitajiet suffiċjenti għal taħriġ u prattika regolari fl-isports b'kuntatt fiżiku huma ta' detriment għall-progress u l-iżvilupp tal-atleti;

I.

billi l-isport huwa settur ekonomiku importanti li jammonta għal 2,12 % tal-PDG totali u 2,72 % tal-impjiegi totali fl-UE u jirrappreżenta madwar 5,67 miljun impjieg;

J.

billi l-isport jissodisfa funzjonijiet soċjetali importanti, billi pereżempju jippromwovi l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni, il-koeżjoni u valuri bħar-rispett u l-fehim reċiproku, is-solidarjetà, id-diversità u l-ugwaljanza inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-isport u l-attivitajiet volontarji assoċjati jistgħu jtejbu s-saħħa fiżika u mentali u l-impjegabilità taż-żgħażagħ b'mod partikolari, kif ukoll jgħinu biex iż-żgħażagħ jevitaw li jinvolvu ruħhom f'imġieba vjolenti, inklużi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-kriminalità u l-użu tad-droga;

Żgħażagħ

1.

Huwa mħasseb li, minħabba s-sensittività partikolari tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ għaċ-ċikli ekonomiċi u għall-kriżijiet ekonomiċi, l-impjieg taż-żgħażagħ jintlaqat aktar mir-riperkussjonijiet tal-pandemija attwali, filwaqt li jiġu amplifikati x-xejriet negattivi ta' settur fil-biċċa l-kbira ddominat minn impjiegi part-time instabbli b'pagi baxxi u bi protezzjoni legali u standards tas-sigurtà soċjali aktar dgħajfa;

2.

Jissottolinja l-impatt partikolarment akut li l-pandemija attwali kellha fuq iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu d-disparitajiet konsiderevoli bejn il-ġeneri fir-rigward tal-proporzjon ta' NEETs;

3.

Jissottolinja li s-setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema spiss ikkaratterizzati minn pagi baxxi, bħall-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, l-akkomodazzjoni, it-turiżmu u s-servizzi tal-ikel, li tipikament jimpjegaw ħaddiema żgħażagħ b'livell baxx ta' ħiliet u studenti li jaħdmu, ġew affettwati bl-aktar mod drammatiku; jinnota li l-qgħad u l-faqar fost iż-żgħażagħ żdiedu b'mod kostanti minn mindu faqqgħet il-pandemija; jemmen li huwa probabbli li l-qgħad fost iż-żgħażagħ se jkompli jiżdied fuq żmien qasir u jista' jibqa' ogħla mil-livelli ta' qabel il-pandemija għal żmien twil;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkumbattu l-effetti diżastrużi fuq l-impjiegi taż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' politiki makroekonomiċi (fiskali u monetarji) li jidderieġu n-nefqa pubblika lejn l-għoti ta' sussidji għar-reklutaġġ jew garanziji għaż-żgħażagħ b'appoġġ għal skemi mfassla apposta għaż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid li jkunu mfassla għaż-żgħażagħ, kif ukoll investiment fis-setturi ekonomiċi li għandhom il-potenzjal li jassorbu liż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu impjieg billi joffru impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet ta' xogħol u remunerazzjoni diċenti;

5.

Ifakkar fir-rwol tal-volontarjat fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħajja u tax-xogħol għaż-żgħażagħ; iqis li l-volontarjat appoġġat finanzjarjament għandu l-potenzjal li jgħin liż-żgħażagħ qiegħda jirreżistu x-xokk ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19 filwaqt li jikkontribwixxu għas-soċjetà u jiksbu esperjenza siewja li tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom lejn impjieg regolari fit-tul; iqis li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jista' jgħin liż-żgħażagħ Ewropej iwessgħu l-opportunitajiet tagħhom lil hinn mir-realtajiet lokali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi ċarezza u linji gwida uniformi għall-implimentazzjoni ta' programmi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni kkawżati, fost l-oħrajn, min-nuqqas ta' flessibilità fil-finanzjament, it-tnaqqis fil-finanzjament, iż-żieda fir-restrizzjonijiet fuq l-għoti ta' viżi lil voluntiera minn pajjiżi sħab, u n-nuqqas li jiġi żgurat l-istatus legali taż-żgħażagħ bħala voluntiera;

6.

Jisħaq fuq l-importanza vitali tat-tagħlim informali u mhux formali, l-arti, l-isport, il-volontarjat u l-attivitajiet soċjali biex iħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-koeżjoni soċjali bħala għodda li jista' jkollha impatt enormi fuq il-komunitajiet lokali u tista' tgħin biex jiġu indirizzati ħafna mill-isfidi soċjetali tal-lum il-ġurnata;

7.

Jenfasizza li, fil-ftehim konkluż fil-21 ta' Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew kellu jkun aktar ambizzjuż fl-appoġġ tiegħu għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ – il-futur tal-Ewropa – partikolarment billi jinkludi appoġġ aktar b'saħħtu għaż-żgħażagħ fil-pjanijiet ta' rkupru billi jalloka 10 % għall-edukazzjoni u 20 % bħala kontribuzzjoni għall-Istrateġija Diġitali Ewropea u l-ksib ta' suq uniku diġitali; jissottolinja f'dan il-kuntest li l-programmi settorjali li għandhom enfasi diretta fuq iż-żgħażagħ, bħal Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għat-Tfal jew li għandhom il-potenzjal li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn Ewropa aktar ġusta, u aktar soċjalment u ambjentalment sostenibbli, iridu jiġu mobilizzati b'tali mod sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tagħhom, għax hemm riskju li l-miri ambizzjużi tagħhom mhux se jkunu jistgħu jintlaħqu u dan se jikkawża diżappunt kbir għaż-żgħażagħ u għall-ġenerazzjonijiet futuri;

8.

Jissottolinja li l-pandemija attwali aggravat id-distakk diġitali fl-UE u b'hekk jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi promoss il-litteriżmu diġitali għal kulħadd u li jitħeġġu l-użu mifrux, ir-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' alternattivi, inklużi opportunitajiet ta' tagħlim informali u mhux formali, bħat-tagħlim u t-taħriġ online u diġitali; jitlob b'mod partikolari li l-istudenti żgħażagħ li esperjenzaw telf ta' introjtu fl-edukazzjoni teknika doppja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jingħatawlhom attenzjoni u appoġġ partikolari, filwaqt li jiġu żviluppati u użati b'mod estensiv għodod diġitali ta' kwalità, materjal u kontenut tat-tagħlim u tal-apprendiment sabiex jiġi evitat li l-persuni jitilqu mill-edukazzjoni u tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u effettiva mill-iskola; jisħaq li minkejja l-kuntest speċifiku tal-COVID-19, huwa importanti li jinżamm it-tagħlim personali biex żgur ħadd ma jibqa' lura, b'mod partikolari fil-każ ta' tfal żgħar, gruppi vulnerabbli u żgħażagħ minn ambjenti soċjoekonomiċi diffiċli mingħajr mezzi jew ħiliet teknoloġiċi;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investiment f'soluzzjonijiet u litteriżmu diġitali għall-iżvilupp ta' ħiliet prattiċi, kompetenzi u kwalifiki, u biex l-aċċess għal-litteriżmu diġitali jkun disponibbli għal kulħadd, u jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod ta' apprendiment online indipendenti, multilingwi, inklużivi u mingħajr ħlas sabiex itejbu l-livell ġenerali tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027); jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati kompetenzi fost l-għalliema, il-ħarrieġa, il-kapijiet tal-għalliema, il-ġenituri u l-maniġers bil-għan li jitjieb il-forniment tal-apprendiment online, mill-bogħod u mħallat b'enfasi partikolari fuq programmi ta' żvilupp tal-ħiliet;

10.

Huwa mħasseb li l-kriżi tal-COVID-19 żiedet l-ansjetà u l-biża' fost iż-żgħażagħ, bir-riskju li dan ikollu impatt konsiderevoli fuq ħajjithom u fuq it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol; jappella għall-użu estensiv ta' servizzi tas-saħħa mentali mfassla apposta, appoġġ psikosoċjali u attivitajiet sportivi, kemm jekk bħala miżuri awtonomi jew modulari, u għal appoġġ imtejjeb għall-benesseri mentali fi ħdan l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u tal-edukazzjoni sabiex ikun żgurat li l-pandemija ma tħallix effetti psikoloġiċi dejjiema; jenfasizza l-impatt tal-pandemija fuq iż-żgħażagħ b'diżabilità u ż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali u remoti u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet ta' dan il-grupp billi jadattaw il-miżuri u s-servizzi ta' appoġġ disponibbli;

11.

Jappella għal approċċ, ibbażat fuq id-drittijiet u msejjes fuq il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, li jrid jittieħed għad-diversi politiki sabiex jiġu indirizzati d-diversi forom ta' diskriminazzjoni mġarrba miż-żgħażagħ matul il-kriżi tal-COVID-19, u jfakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-ħtieġa ta' approċċ speċjali għall-appoġġ u l-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ b'diżabilità, u ż-żgħażagħ minn ambjenti żvantaġġati u f'riskju ta' vjolenza domestika, il-migranti u r-rifuġjati żgħażagħ u żgħażagħ tal-komunità LGTBIQ+; jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess liberu għal informazzjoni ta' kwalità dwar il-COVID-19 u l-pandemija b'mod ġenerali, adattata għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ;

12.

Jirrimarka li l-attivitajiet sportivi u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa huma mhedda fuq kollox fid-diversità tal-forom tagħhom, li qed jirriżulta fit-tiċkin tal-ispazju ċiviku, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippreservaw l-istrutturi u jiżguraw diversità tal-provvista fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-isport; ifakkar fil-ħtieġa ta' involviment mill-qrib tal-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet imfassla biex jappoġġaw liż-żgħażagħ, u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u sportivi; jenfasizza l-importanza ta' koeżjoni soċjali tal-organizzazzjonijiet sportivi u taż-żgħażagħ organizzati;

L-isport

13.

Huwa mħasseb ħafna dwar il-possibilità ta' ħsara dejjiema lis-settur tal-isport, mhux biss f'termini ekonomiċi u tal-impjieg, iżda anki għas-soċjetà kollha kemm hi;

14.

Jissottolinja li l-isport u l-eżerċizzju fiżiku huma partikolarment importanti fiċ-ċirkostanzi kkawżati mill-pandemija, peress li jsaħħu r-reżiljenza fiżika u mentali; jilqa' l-fatt li skont id-data, il-lockdowns wasslu biex ċerti persuni jibdew jipprattikaw ċertu sport individwali b'mod aktar frekwenti u attiv; min-naħa l-oħra, huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' attività fiżika osservat fost ħafna żgħażagħ matul il-lockdown u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għas-saħħa pubblika;

15.

Jisħaq li l-mudell Ewropew tal-isport jeħtieġ li jiġi ppreservat u promoss peress li s-solidarjetà, l-ekwità u approċċ ibbażat fuq il-valuri se jkunu importanti aktar minn qatt qabel għall-irkupru tas-settur tal-isport u għas-sopravivenza tal-isport għad-dilettanti;

16.

Ifakkar li l-isport jippromwovi u jgħallem valuri bħar-rispett u l-fehim reċiproku, is-solidarjetà, id-diversità, l-ekwità, il-kooperazzjoni u l-involviment ċiviku, u jrawwem il-koeżjoni u l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati; jenfasizza li l-isport m'għandux fruntieri u jgħaqqad lil persuni minn ambjenti soċjoekonomiċi u etniċi differenti; iqis li l-isport għad-dilettanti b'mod partikolari għandu rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali ta' persuni b'inqas opportunitajiet jew li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u ta' persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, issaħħaħ l-inklużjoni permezz tal-isport u tesplora mezzi ġodda sabiex timmassimizza l-impatt u l-firxa tagħha; jappella għal żieda fl-appoġġ li jrid jingħata lil familji b'introjtu baxx, sabiex uliedhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-isport u f'attivitajiet ta' divertiment oħra;

17.

Jissottolinja l-fatt li l-persuni b'diżabilità jiffaċċjaw sfidi finanzjarji u organizzattivi konsiderevoli biex jieħdu sehem fl-isport kemm fil-kuntest tal-attivitajiet għad-dilettanti kif ukoll fil-livell professjonali, li ġew aggravati matul il-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza b'mod speċifiku din il-problema fl-istrateġija li jmiss tagħha dwar id-diżabilità;

18.

Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 qed tħalli konsegwenzi devastanti fuq is-settur kollu kemm hu fil-livelli kollha, speċjalment fuq organizzazzjonijiet u klabbs sportivi, kampjonati u ċentri ta' fitness, atleti, coaches, persunal u negozji relatati mal-isport, inkluż l-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi u l-media sportiva; iqis li t-triq lejn l-irkupru se tkun sfida u jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri ta' għajnuna mmirati;

19.

Iqis li l-istrumenti għall-irkupru ġenerali adottati mill-UE b'reazzjoni għall-kriżi jridu jgħinu biex jappoġġaw lis-settur tal-isport fuq żmien qasir u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi ta' appoġġ nazzjonali, il-fondi strutturali u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu ta' benefiċċju għas-settur tal-isport minkejja l-karatteristiċi speċifiċi u l-istrutturi organizzattivi tiegħu;

20.

Jisħaq fuq l-importanza ta' pakketti ta' salvataġġ li jkopru l-isport kollu; jenfasizza li filwaqt li l-isports ewlenin bl-ispettaturi spiss intlaqtu l-aktar finanzjarjament, dawn m'għandhomx ikunu l-uniċi li jikkwalifikaw għall-għajnuna finanzjarja jew jingħataw prijorità għaliha;

21.

Jemmen li l-appoġġ finanzjarju eżistenti jista' ma jkunx biżżejjed u jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi kollha possibbli biex tipprovdi appoġġ speċifiku addizzjonali kemm għall-isport għad-dilettanti kif ukoll għall-isport professjonali bil-għan li tiżdied il-vijabilità tas-settur kollu;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-irkupru u r-reżiljenza għall-kriżijiet tas-settur tal-isport b'mod ġenerali u tal-isport għad-dilettanti b'mod partikolari, permezz ta' programmi disponibbli tal-UE u li għalihom is-settur huwa eliġibbli, inklużi l-programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u jiżguraw l-aċċess sħiħ tal-isport għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għall-Fond ta' Koeżjoni, għall-Fond Soċjali Ewropew Plus u għall-EU4Health; jissottolinja li l-inkorporazzjoni tal-isport fir-regolamenti rispettivi u t-tneħħija tal-ostakli kollha fil-proċess ta' applikazzjoni fil-livell nazzjonali huma fundamentali f'dan ir-rigward;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-isport fl-Istati Membri kollha u, abbażi tar-riżultati ta' din il-valutazzjoni, tiżviluppa approċċ Ewropew biex tindirizza l-isfidi u timmitiga l-konsegwenzi possibbli;

24.

Jappella għal skambju strutturat u sistematiku tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fit-trattament tal-effetti tal-kriżi fuq l-isport u għal analiżi sistematika tad-data u l-informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fl-isport u l-impatt tal-COVID-19; iqis li huwa utli li jiġi esplorat l-iżvilupp ta' modi ġodda ta' kif wieħed jipprattika l-isport f'sitwazzjonijiet li jeħtieġu tbegħid fiżiku;

25.

Huwa tal-fehma li kooperazzjoni transettorjali wiesgħa hija meħtieġa b'mod urġenti sabiex jingħelbu l-isfidi li feġġew fis-settur tal-isport b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-kollaborazzjoni fil-livelli kollha, inkluż dawk kollha involuti fl-isport, is-settur tan-negozju relatat mal-isport u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, għandha titħeġġeġ aktar;

26.

Jinnota li l-użu ta' soluzzjonijiet diġitali bħalma huma l-apps sportivi żdied matul il-kriżi; iqis li d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-settur tal-isport se żżid ir-reżiljenza tiegħu f'sitwazzjonijiet ta' kriżijiet futuri possibbli; jappella għall-iżvilupp ta' għodod diġitali li jippermettu l-finanzjament ta' attivitajiet sportivi matul il-pandemija;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-miżuri kollha meħuda biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-isport fi Pjan ta' Azzjoni tal-UE ddedikat;

28.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħti prijorità lill-miżuri u l-azzjonijiet immirati biex jgħinu lis-settur ilaħħaq mal-konsegwenzi tal-pandemija fuq medda qasira u twila ta' żmien fil-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss;

29.

Iqis li sakemm il-pandemija tkompli tevolvi, jeħtieġ li jinbeda djalogu koordinat mal-federazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tal-isport u mal-Istati Membri sabiex jiġu diskussi l-possibilitajiet ta' tkomplija b'mod sikur ta' avvenimenti u kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali ewlenin; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistinkaw għal approċċ koordinat rigward l-attendenza fl-istadji, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-ittestjar tal-COVID-19 li jippermetti l-ippjanar effettiv u l-organizzazzjoni responsabbli ta' kompetizzjonijiet sportivi pan-Ewropej;

30.

Jappella għal miżuri biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tad-doping matul u wara l-lockdown tal-COVID-19 biex jiġu promossi s-saħħa u l-fair play tal-atleti fl-isport Ewropew;

31.

Iqis li sports differenti ġew affettwati f'livelli differenti u li f'ċerti sports, klabbs iżgħar u kompetizzjonijiet ta' diviżjonijiet aktar baxxi kif ukoll l-isport għad-dilettanti batew b'mod partikolari minħabba d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq sponsors żgħar jew mill-kwoti tal-atleti stess; jenfasizza li l-isport għad-dilettanti huwa l-bażi għall-isport fuq livell professjonali, peress li l-klabbs tal-isport iż-żgħar għad-dilettanti jagħtu kontribut sinifikanti lill-iżvilupp ta' atleti żgħażagħ u jaħdmu l-aktar fuq bażi volontarja; jissottolinja l-importanza tas-solidarjetà fi ħdan il-komunità sportiva Ewropea bejn kull sport differenti u f'kull sport, u jappella għal aktar appoġġ għall-isports iż-żgħar jew għad-dilettanti minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tagħhom biex jibqgħu jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom;

32.

Jirrimarka li r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta' possibilitajiet suffiċjenti għal taħriġ u ripetizzjoni regolari fl-isports li jirrikjedu kuntatt fiżiku kienu ta' detriment għall-progress u l-iżvilupp tal-atleti; iqis li l-organizzaturi ta' avvenimenti, il-ħarrieġa u l-atleti nfushom għandhom ikunu konxji mill-implikazzjonijiet possibbli tan-nuqqas fit-tul ta' taħriġ intensiv; jappella għal kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet sportivi biex jappoġġaw proġetti u kunċetti li jiffukaw fuq il-ksib mill-ġdid tal-kapaċitajiet mitlufa;

33.

Iqis li l-areni u l-istadji huma fil-qalba tan-nisġa soċjali tal-isport u tal-ekosistemi kulturali fis-soċjetajiet tagħna; jirrikonoxxi li l-fatt li dawn il-postijiet ikunu jistgħu jinfetħu mill-ġdid huwa essenzjali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna u għall-irkupru ekonomiku, kemm issa kif ukoll fil-futur;

o

o o

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0183.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0239.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0267.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0282.

(6)  Rapport globali, Youth & COVID-19: Impacts on jobs, education, rights and mental well-being (Rapport Globali, Iż-Żgħażagħ u l-COVID-19: Impatti fuq l-impjiegi, l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-benesseri mentali), il-11 ta' Awwissu 2020.


Il-Ħamis, 11 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/87


P9_TA(2021)0050

Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (2019/2202(INI))

(2021/C 465/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, inkluż Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (FA/DCFTA), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017, u l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni relatata,

wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ukrajna fil-11 ta' Ġunju 2017, b'riżultat tal-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (2), u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (3), kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (4),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) dwar l-Ukrajna, b'mod partikolari t-30 rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol, fl-Ukrajna, tad-19 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar l-Ukrajna tat-12 ta' Diċembru 2019 (SWD(2019)0433),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-22 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna tas-6 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u tar-rappreżentanti l-oħra tas-soċjetà ċivili fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna tad-19 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Ukrajna tal-31 ta' Marzu u tal-21 ta' April 2019, u għall-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-21 ta' Lulju 2019,

wara li kkunsidra l-iżborż ta' self ta' EUR 500 miljun lill-Ukrajna fid-29 ta' Mejju 2020, bħala parti mir-raba' programm ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-pakketti ta' assistenza mingħajr preċedent li ddaħħlu fis-seħħ mill-UE biex tgħin lill-pajjiżi ġirien fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u b'mod partikolari s-self b’terminu twil ta' EUR 1,2 biljun li sar disponibbli għall-Ukrajna b’termini vantaġġużi ħafna permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar il-forniment ta' assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukrajna tal-31 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra l-ħames rapport ta' monitoraġġ għal kull pajjiż tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), ippubblikata f'Settembru 2017, u l-konklużjonijiet dwar l-Ukrajna fir-rigward tal-istat tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2017, ippubblikati f'Ġunju 2020,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri (6) dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru, u l-istandards adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, tal-21 ta' Lulju 2019, dwar l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-klassifika tal-2019 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International li tpoġġi lill-Ukrajna fil-126 post minn 180 pajjiż u territorju eżaminati (bl-ewwel post tal-klassifika jkun l-aħjar),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, adottata fil-5 ta' Novembru 1992,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-liġi dwar l-appoġġ għall-funzjonament tal-lingwa Ukrena bħala l-lingwa tal-Istat u l-opinjoni tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-edukazzjoni, tal-5 ta' Settembru 2017, dwar l-użu tal-lingwa tal-Istat, tal-lingwi minoritarji u ta' lingwi oħra fl-edukazzjoni,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-10 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0219/2020),

A.

billi l-FA/DCFTA jikkostitwixxi l-pedament li fuqu jinbnew ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Ukrajna, ibbażati fuq l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika, u jikkostitwixxi pjan direzzjonali għar-riformi, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom għandha titqies li tippermetti avviċinament kontinwu lejn l-Unjoni, li twassal għal integrazzjoni gradwali fis-suq intern tal-Unjoni u lejn l-isfruttament bis-sħiħ tal-potenzjal u tal-benefiċċji tal-FA/DCFTA;

B.

billi l-Ukrajna għandha perspettiva Ewropea skont l-Artikolu 49 TUE u tista' tapplika biex issir membru tal-Unjoni, dment li taderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen kollha u mal-prinċipji tad-demokrazija, u li tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u li tiżgura l-istat tad-dritt;

C.

billi t-22 Summit UE-Ukrajna rrikonoxxa l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna u laqa' favorevolment l-għażla Ewropea tagħha, irrikonoxxa l-progress notevoli li għamlet l-Ukrajna fil-proċess ta' riforma tagħha u apprezza r-riżultati li diġà kisbet fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u s-suċċess tad-DCFTA;

D.

billi fl-2019 l-Ukrajna għaddiet minn perjodu elettorali delikat, kemm fil-livell presidenzjali kif ukoll f'dak parlamentari, u billi l-mod kif ħadet ħsieb il-proċessi u t-tranżizzjoni paċifika u ordnat tal-poter li segwiet, għandhom jiġu mfaħħra;

E.

billi l-elezzjonijiet lokali li saru fin-nazzjon kollu fil-25 ta' Ottubru 2020 jirrappreżentaw test ieħor għall-istat tad-demokrazija u opportunità ta' konsolidament ulterjuri; billi, fiż-żmien immedjatament qabel l-elezzjonijiet lokali tal-25 ta' Ottubru 2020, kien hemm tentattivi biex jinbidel il-Kodiċi Elettorali waqt li kienet għaddejja l-kampanja elettorali, u billi n-nuqqas ta' miżuri ċari dwar il-mod kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-COVID-19 jibqa' punt ta' tħassib kbir, bil-ħsieb li jiġu adottati standards ġodda biex jiggarantixxu votazzjoni sikura;

F.

billi l-Missjoni Limitata ta' Osservazzjoni Elettorali tal-ODIHR ikkonkludiet li l-elezzjonijiet lokali tal-25 ta' Ottubru 2020 fl-Ukrajna kienu partikolarment importanti wara r-riformi reċenti ta' deċentralizzazzjoni li kienu għaddew setgħat u riżorsi sinifikanti lill-gvernijiet lokali, li l-proċess elettorali kien ġeneralment kalm, organizzat tajjeb u trasparenti, u li l-proċeduri kienu fil-biċċa l-kbira segwiti, u li, b'mod ġenerali, il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Ukrajna kienet laħqet l-iskadenzi legali kollha u operat b'mod imparzjali, miftuħ u trasparenti;

G.

billi s-soċjetà ċivili u l-esperti elettorali rrappurtaw li l-organizzazzjonijiet tal-partiti lokali, il-kandidati u l-membri tal-kummissjonijiet elettorali ma setgħux jippreparaw ruħhom kif suppost għar-reġistrazzjoni tal-kandidati, peress li l-Kodiċi Elettorali kien ġie adottat ftit qabel il-proċess elettorali;

H.

billi l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' kontroll minn fuq għall-attwazzjoni tal-prinċipju tal-mandat imperattiv, kif ukoll is-subordinazzjoni tal-listi tal-partiti għan-numru minimu ta' 10 000 votant, idgħajfu n-natura demokratika tal-elezzjonijiet;

I.

billi s-soċjetà ċivili kkritikat id-deċiżjoni biex ma jsirux l-elezzjonijiet fi 18-il komunità lokali fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tal-oblast' ta' Donetsk u ta' Luhansk mingħajr ma l-amministrazzjoni ċivili-militari tat motivazzjoni ċara għal din id-deċiżjoni, b'hekk fil-fatt ċaħdet id-dritt tal-vot lil madwar 475 000 elettur li jgħixu f'dawn il-komunitajiet;

J.

billi, b'mod partikolari waqt it-tieni semestru tal-2019, biex titwettaq malajr ir-riforma mwiegħda matul il-kampanji elettorali, l-attività leġiżlattiva mxiet b'ritmu partikolarment sostnut, kultant askapitu tal-iskrutinju parlamentari, tat-trasparenza u tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni;

K.

billi, minkejja l-Ukrajna għamlet progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tagħha tal-impenji relatati mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u fl-integrazzjoni mal-Unjoni, jeħtieġ li jitlestew bosta riformi minn fost dawk mibdija, partikolarment fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, billi, avolja sar progress notevoli, il-korruzzjoni mifruxa għadha xxekkel il-proċess ta' riforma tal-Ukrajna; billi l-kriżi kostituzzjonali li għaddejja bħalissa hija theddida għall-kapaċità tal-President u tal-Verkhovna Rada li jwettqu riformi; billi jidher li l-oligarki qed jerġgħu jiksbu influwenza politika; billi, , hemm bżonn li jiġu adottati ċerti miżuri oħra biex tkun evitata regressjoni, b'attenzjoni partikolari għas-sistema ġudizzjarja;

L.

billi l-potenzjal sħiħ tar-riformi adottati għadu ma ġiex sfruttat minħabba d-dinamika tal-proċess ta' riforma u l-isfidi istituzzjonali relatati; billi r-riformi għadhom qed ikunu ostakolati mill-instabbiltà istituzzjonali u mill-kontradizzjonijiet interni, min-nuqqas ta' parametri ta' riferiment ċari, mill-kapaċitajiet dgħajfa, mir-riżorsi limitati u minn fatturi esterni bħall-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll minn nuqqas ta' rieda politika biex tiġi aċċettata u garantita l-indipendenza totali tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji u ekonomiċi u jiġi evitat użu selettiv tal-ġustizzja;

M.

billi id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukrajna tal-31 ta' Ottubru 2019 tistieden lill-Ukrajna tottempera ruħha mal-obbligi u mal-impenji internazzjonali, tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja rigward il-liġi dwar l-edukazzjoni;

N.

billi l-aktar rapport reċenti tal-OHCHR jenfasizza n-nuqqas ta' progress fil-proċedimenti kriminali fir-rigward tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem kommess, allegatament, mill-forzi tal-Ukrajna, kif ukoll dewmien u progress insuffiċjenti fl-investigazzjonijiet dwar id-delitti relatati ma' pjazza Maidan;

O.

billi, skont l-aħħar rapport ta' Transparency International, il-perċezzjoni tal-korruzzjoni fl-Ukrajna reġgħet lura għal-livelli tal-2017;

P.

billi għad hemm appoġġ ferm qawwi għall-modernizzazzjoni, għad-deoligarkizzazzjoni, għar-riforma u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost iċ-ċittadini tal-Ukrajna, u dawn l-aspettattivi għandhom ikunu sodisfatti mill-aktar fis;

Q.

billi qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 l-ekonomija tal-Ukrajna kienet irkuprat l-istabbiltà u kienet qiegħda turi tkabbir sodisfaċenti u tnaqqis fil-qgħad, imrawmin mill-progress li sar fl-isfruttament tal-potenzjal tal-FA/DCFTA;

R.

billi l-Ukrajna teħtieġ iżżomm l-istabbiltà makroekonomika tagħha u tirrispetta l-impenji tagħha mal-Fond Monetarju Internazzjonali u timplimenta l-politiki strutturali kollha f'terminu medju maqbula fl-ambitu tal-programm ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE, kif ukoll tiżgura li l-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna jibqa' b'saħħtu u indipendenti;

S.

billi l-kriżi globali li għaddejja bħalissa tirrikjedi approċċ ikkoordinat u pakketti ta' miżuri ta' appoġġ eċċezzjonali; billi kwalunkwe miżura ta' emerġenza jeħtiġilha tkun proporzjonata u limitata fiż-żmien u trid tirrispetta l-libertajiet fundamentali;

T.

billi l-UE baqgħet qrib il-poplu tal-Ukrajna mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, u tat appoġġ finanzjarju u materjali permezz ta' programmi bilaterali u reġjonali, bħal dawk li l-Unjoni poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna f'Marzu, f'April u f'Mejju 2020;

U.

billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat il-problemi tas-sistema tas-saħħa tal-Ukrajna; billi, minkejja l-fatt li d-dritt tal-Ukrajna jipprevedi assistenza tas-saħħa b'xejn, mhijiex din ir-realtà li bosta ċittadini tal-pajjiż jgħaddu minnha meta jkollhom bżonn kuri mediċi; minħabba l-passi ta' riforma mtawla b'mod irraġonevoli mill-Ministeru tas-Saħħa tal-Ukraina;

V.

billi, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, huwa saħansitra aktar importanti li tibqa' tingħata għajnuna umanitarja u li l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar ikunu jistgħu jaċċedu mingħajr ostakli għaż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern;

W.

billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti f'livell internazzjonali, kif ukoll il-kapaċità tagħha li timplimenta r-riformi ekonomiċi u soċjali neċessarji, għadhom qegħdin jiġu kompromessi b'mod gravi minn kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati, attakki informatiċi u theddid ibridu ieħor, kif ukoll mill-kunflitt mhux riżolt fil-Lvant tal-pajjiż, ikkawżat mill-aggressjoni militari u mill-okkupazzjoni Russa li għaddejjin f'partijiet imdaqqsin tal-oblast' ta' Donetsk u Luhansk, kif ukoll mill-okkupazzjoni u mill-annessjoni illegali min-naħa tar-Russja tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol, ċirkostanzi li ġiegħlu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tmur għall-agħar u jirrappreżentaw ostaklu għall-konsolidament tal-prosperità, tal-istabbiltà u tat-tkabbir tal-pajjiż;

X.

billi l-UE kkundannat bis-saħħa l-aggressjoni Russa li għaddejja fil-konfront tal-Ukrajna, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol, bi ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-pajjiż, u stabbiliet u se tkompli politika ta' nonrikonoxximent ta' dan u, f'dan il-kuntest, tkompli timplimenta miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi u entitajiet involuti f'dan il-ksur tad-dritt internazzjonali;

Y.

billi l-UE żżomm l-impenn tagħha fil-konfront tal-isforzi li saru mill-Format tan-Normandija, mill-OSKE, mill-grupp ta' kuntatt tripartitiku u mill-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukrajna, laqgħet pożittivament l-approċċ kostruttiv tal-Ukrajna fil-Format tan-Normandija u fil-grupp ta' kuntatt tripartitiku u stiednet lir-Russja tirrikambja;

Z.

billi fis-17 ta' Lulju 2014 l-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines bejn Amsterdam u Kuala Lumpur tniżżel bi sparar waqt li kien qiegħed itir fuq l-oblast' ta' Donetsk fil-kuntest tal-isforzi tar-Russja biex tikkomprometti l-integrità territorjali tal-Ukrajna, fatt li wassal għall-mewt tal-298 passiġġier u membru tal-ekwipaġġ kollha; billi l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta (SIK) immexxija min-Netherlands ikkonfermat li l-ajruplan tat-titjira MH17 tniżżel b'missila mill-wiċċ għall-ajru Buk fornut mit-53 brigata kontra l-attakki mill-ajru tal-Forzi tal-Art Russi, stazzjonati f'Kursk;

AA.

billi, bis-saħħa tal-kooperazzjoni tal-Ukrajna fl-ambitu tas-SIK, fid-9 ta' Marzu 2020 inbeda, skont id-dritt Netherlandiż, proċess fil-konfront tal-erba' suspettati prinċipali tat-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines; billi fl-10 ta' Lulju 2020 in-Netherlands ippreżentaw rikors interstatali fil-konfront tal-Federazzjoni Russa quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-dawl tar-rwol tagħha fit-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17; billi r-Russja eżerċitat pressjoni fuq l-Ukrajna biex fl-iskambju ta' priġunieri li sar fis-7 ta' Settembru 2019 tkun inkluża persuna oħra, il-ħames waħda, infurmata dwar il-fatti, Volodymyr Tsemakh; billi fil-15 ta' Ottubru 2020 ir-Russja waqfet unilateralment tipparteċipa fil-konsultazzjonijiet trilaterali għall-aċċertament tal-verità mal-Awstralja u man-Netherlands, billi r-Russja ostakolat kostantement l-isforzi kollha li saru biex jiġi żgurat li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja, fost affarijiet oħra permezz ta' rifjut tal-konklużjonijiet tas-SIK, il-promozzjoni tad-diżinformazzjoni dwar it-titjira MH17 u billi eżerċitat is-setgħa ta' veto tagħha fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex timpedixxi l-ħolqien ta' tribunal internazzjonali;

AB.

billi l-UE kkundannat lir-Russja talli waqfet tikkoopera fil-każ tat-titjira MH17; billi l-UE ħeġġet b'mod qawwi lir-Russja tikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti ġudizzjarji relatati mat-titjira MH17;

AC.

billi, minn mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna tal-Lvant, inqatlu madwar 13 000 ruħ, kwart minnhom ċivili, u ndarbu saħansitra 30 000; billi madwar miljun ċittadin Ukren u nofs kellhom jaħarbu minn darhom minħabba l-kunflitt armat bi gruppi armati sostnuti mir-Russja; billi r-Russja u l-alleati tagħha tefgħu l-ħabs mijiet ta' ċittadini Ukreni, filwaqt li l-post fejn jinsabu ħafna mill-konċittadini tagħhom għadu sal-lum mhux magħruf; billi l-kunflitt militari li għaddej ikkawża kriżi umanitarja b'konsegwenzi devastanti għal 4,4 miljun ruħ, li minnhom madwar miljun u nofs huma persuni spostati internament (IDPs); billi t-3,4 miljun ruħ li qegħdin jgħixu tul il-linja ta' kuntatt għandhom bżonn assistenza umanitarja u protezzjoni; billi, minħabba attakki fuq l-infrastrutturi pubbliċi, il-popolazzjonijiet lokali għandhom aċċess limitat għall-faċilitajiet tal-assistenza tas-saħħa, għall-iskejjel, għall-ilma u għas-servizzi tas-sanità;

AD.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni okkupati tal-Ukrajna tal-Lvant u fil-peniżola okkupata tal-Krimea marret lura b'mod sinifikanti, filwaqt li l-ksur tal-libertà tal-kelma, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet ta' proprjetà, ir-restrizzjonijiet severi imposti fuq id-drittijiet tal-edukazzjoni u tal-lingwi, l-abbuż fil-konfront tal-midja u l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa saru prassi sistematika u l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali mhumiex garantiti; billi l-awtoritajiet awtoproklamati tal-Krimea okkupata għadhom iwettqu vessazzjonijiet fil-konfront tat-Tatari tal-Krimea, ħarrku għexieren minnhom abbażi ta' akkużi foloz ta' terroriżmu; billi ċ-Ċentru għal-Libertajiet Ċivili fl-Ukrajna jistima li mill-inqas 94 ċittadin tal-Ukrajna ġew ippersegwitati minħabba raġunijiet politiċi fil-Krimea jew fir-Russja, 71 minnhom huma Tatari tal-Krimea, fosthom Marlen Asanov, Memet Belyalov, Timur Ibragimov, Seyran Saliyev, Server Mustafayev, Server Zekiryayev u Edem Smailov, li f'Settembru 2020 ingħataw piena ta' priġunerija ta' bejn 13 u 19-il sena;

AE.

billi l-Ukrajna okkupat is-96 post fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2020; billi l-Ukrajna adottat għadd ta' riformi, inkluża liġi dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-midja, iżda hemm bżonn tagħmel aktar biex teħles lill-mezzi ta' informazzjoni mill-ħakma tal-oligarki, tinkoraġġixxi l-indipendenza editorjali u tiġġieled kontra l-impunità għar-reati vjolenti fil-konfront tal-ġurnalisti;

AF.

billi l-panorama tal-mezzi ta' informazzjoni fl-Ukrajna għadu taħt l-influwenza qawwija eżerċitata mill-istruttura oligarkika tas-sidien tal-midja u billi l-operaturi fil-midja, partikolarment il-ġurnalisti li jinvestigaw fuq każijiet ta' korruzzjoni u frodi, huma kontinwament esposti għat-theddida ta' vjolenza, intimidazzjonijiet u mewt, bħal fil-każ tal-ġurnalist Vadym Komarov fl-2019, u xogħolhom spiss huwa ostakolat, fost affarijiet oħra, minn aċċess limitat għall-informazzjoni, minn pressjonijiet ġuridiċi, bħal fil-każ tal-proċediment kriminali fil-konfront tas-sit Bihus.info u minn attakki informatiċi;

AG.

billi l-Ukrajna għandha problema sinifikanti fil-qasam tal-inugwaljanza tal-ġeneri; billi l-ugwaljanza quddiem il-liġi ma tfissirx ugwaljanza effettiva u li fil-prattika n-nisa għadhom isibu quddiemhom ostakli notevoli, b'mod partikolari fuq il-post tax-xogħol; billi, fl-Indiċi globali ta' Disparità bejn is-Sessi mfassal fl-2018 mill-Forum Ekonomiku Dinji, l-Ukrajna tinsab fil-65 post minn 149 pajjiż; billi, skont l-indikatur tal-inugwaljanza fl-introjtu fl-Ukrajna, għal kull USD 100 ta' introjtu li jaqilgħu l-irġiel, in-nisa jaqilgħu biss USD 63,1;

AH.

billi l-persuni LGBTI u l-attivisti femministi huma kontinwament suġġetti għal diskors ta' mibegħda u attakki vjolenti u r-Rom huma vittmi ta' lingwaġġ diskriminatorju u diskors ta' mibegħda min-naħa tal-awtoritajiet statali u lokali u tal-midja;

AI.

billi l-l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi rrifjutaw f'bosta okkażjonijiet li jibdew investigazzjonijiet fir-rigward ta' kwereli ppreżentati minn persuni LGBTI, partikolarment minn dimostranti tal-Prides, rigward reati ta' mibegħda jew diskors ta' mibegħda, minħabba l-assenza, fil-Kodiċi Kriminali, ta' dispożizzjonijiet dwar il-persegwiment tar-reati ta' inċitament għall-mibegħda jew ta' vjolenza bbażata fuq l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru; billi l-ECRI rrakkomandat li l-Kodiċi Kriminali jiġi emendat biex jikkontempla tali mottivi u biex iqishom ċirkostanzi aggravanti;

AJ.

billi l-Parlament jirrikonoxxi r-rwol ta' tmexxija u r-rieda politika tal-awtoritajiet tal-Ukrajna biex jagħtu protezzjoni suffiċjenti lill-Prides nazzjonali; billi d-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda fil-konfront tal-persuni LGBTI għadhom madankollu mifruxa u li l-protezzjoni tal-pulizija mhijiex dejjem garantita, kif muri mill-attakki vjolenti li saru waqt il-Pride ta' Kiev, meta d-dimostranti ma setgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt universali tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika waqt li jkunu protetti mill-vjolenza;

AK.

billi l-FA/DCFTA mmira lejn l-objettiv ta' approssimazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-Ukrajna u tal-istandards nazzjonali tagħha ma' dawk tal-UE, anki fl-ambitu soċjali; billi, minkejja dawn l-impenji, l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA fl-ambitu soċjali għadha insodisfaċenti; billi l-Ukrajna rratifikat l-istrumenti internazzjonali prinċipali, iżda għadha tonqos milli timplimentahom;

AL.

billi, minkejja l-obbligi li ġejjin mill-FA, u l-bosta appelli indirizzati mit-trade unions lill-gvern biex jiġu applikati l-miżuri neċessarji biex jitmexxa 'l quddiem id-djalogu soċjali, il-kunċett ta' konsultazzjonijiet tripartitiċi għadu fundamentalment diżapplikat; billi, wara aktar minn għaxar snin minn mindu twaqqaf, il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Tripartitiku Nazzjonali għadu dgħajjef u ineffikaċi bl-ebda influwenza reali fuq id-djalogu soċjali u jbati kostantement minn nuqqas ta' persunal u inkonsistenza fil-koordinament tal-attivitajiet tiegħu; billi fl-2019 terz biss mill-177 trade union totalment Ukreni rreġistrati mill-Ministeru għall-Ġustizzja kellu l-opportunità li jieħu sehem fin-negozjar kollettiv;

Valuri komuni u prinċipji ġenerali

1.

Josserva li l-FA/DCFTA jirrappreżenta rifless tal-ambizzjoni kondiviża mill-UE u mill-Ukrajna li jimxu lejn assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika li jista' jagħmilha ta' pjan ta' riforma, u jenfasizza l-importanza enormi tiegħu, speċjalment fiż-żminijiet eċċezzjonali tal-lum; iħeġġeġ li l-ftehim jiġi implimentat b'mod sħiħ u li l-potenzjal tiegħu jiġi sfruttat; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jżommu l-implimentazzjoni tiegħu fuq nett fl-aġendi tagħhom, minkejja l-isfidi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19; jisħaq li l-assistenza tal-UE lill-Ukrajna hija suġġetta għal kundizzjonalità rigoruża u jtenni l-bżonn li l-Ukrajna turi impenn imġedded favur ir-riformi u r-rispett tal-prinċipji tal-Unjoni; ifakkar fil-bżonn li l-FA/DCFTA jiġi aġġornata biex jieħu debitament kont tal-evoluzzjoni tal-oqfsa regolatorji u tal-bżonnijiet ta' żvilupp ekonomiku u biex isaħħaħ il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jirrakkomanda li l-UE u l-Ukrajna jieħdu vantaġġ mir-rieżami regolari li jmiss dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-FA sabiex jeżaminaw il-possibbiltajiet li jaġġornaw l-elementi kummerċjali u settorjali;

2.

Jilqa' favorevolment il-pakketti ta' għajnuna mingħajr preċedent, inkluża l-assistenza makrofinanzjarja, li l-Unjoni għamlet disponibbli għall-Ukrajna fil-qafas ta' Team Europe, biex tgħin lill-pajjiżi sħab jindirizzaw l-emerġenza tal-COVID-19; jinnota li din hija turija kruċjali tas-solidarjetà tal-UE fi żmien ta' kriżi bla preċedent; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna joħolqu klima favorevoli għall-investimenti u jimplimentaw malajr il-kundizzjonijiet maqbula għall-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-UE stabbilita fil-Memorandum ta' Qbil; ifakkar lill-Gvern tal-Ukrajna li l-iżborż, f'Diċembru 2020, tal-ewwel parti ta' EUR 1,2 biljun ta' għajnuna makrofinanzjarja, li jammonta għal EUR 600 miljun, mingħajr l-ebda kundizzjonijiet speċifiċi ta' politika kienet eċċezzjoni unika marbuta man-natura ta' emerġenza ta' dan l-appoġġ u ma jistax jiġi abbużat biex ireġġa' lura r-riformi maqbula;

3.

Jinsab sodisfatt li l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, ivvalutaw l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-2019 kumplessivament bħala kompetittivi, amministrati sewwa u ġestiti b'mod effiċjenti, u dan jikkonferma l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-valuri demokratiċi tal-Unjoni u dan jixraqlu b'mod partikolari li jiġi nnutat fil-kuntest tal-isforzi Russi attwali biex jiddestabbilizzaw l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fid-dikjarazzjonijiet tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti finali tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR; jibqa' jkun għassa ta' kemm jiġu rispettati l-istandards demokratiċi dwar l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti fl-Ukrajna hekk kif il-pajjiż organizza l-ewwel elezzjonijiet lokali wara r-riforma ta' deċentralizzazzjoni tant apprezzata; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jiżgura kampanji elettorali liberi u ġusti, li fihom la jkun hemm metodi ta' finanzjament mhux xierqa u lanqas lok għal xiri ta' voti; jisħaq li l-proċess elettorali u l-proċeduri tal-votazzjoni f'jum l-elezzjonijiet għandhom isiru fir-rispett ta' standards ta' sikurezza aktar rigorużi u bl-adozzjoni ta' miżuri ta' sikurezza speċifiċi għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID-19; josserva li, waqt l-elezzjonijiet parlamentari bikrija li saru fl-2019 fl-Ukrajna, il-konfini tad-distretti elettorali uninominali ġew delimitati b'mod mhux favorevoli għar-rappreżentanza tal-minoranzi nazzjonali; josserva li f'xi reġjuni, bħat-Transkarpazja, ġew osservati abbużi elettorali, bħall-preżentazzjoni ta' kandidati “kloni”, u dan naqqas l-possibbiltajiet tal-membri tal-minoranza Ungeriża li jkunu eletti fil-parlament;

4.

Jilqa' pożittivament il-Kodiċi Elettorali l-ġdid adottat f'Diċembru 2019, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-persuni spostati internament; ifakkar, madankollu, li l-emendi kontinwi tal-Kodiċi Elettorali matul l-iżvolġiment ta' elezzjoni jmorru kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, jikkawżaw inċertezza ġuridika u jħallu impatt negattiv fuq il-ħidma tal-kummissjonijiet elettorali; iħeġġeġ lill-Ukrajna tindirizza wkoll il-kampanji illegali, ix-xiri ta' voti, l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u l-inċertezza ġuridika li hemm madwar il-kampanji fuq il-midja soċjali;

5.

Jinsisti fuq il-fatt li l-Kodiċi Elettorali għandu jitjieb u jiġi allinjat mal-istandards internazzjonali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-kampanji fuq il-midja soċjali, it-trasparenza tal-infiq għall-kampanji elettorali u l-aċċess tal-kandidati indipendenti għall-proċess elettorali; jisħaq fuq l-importanza, għal dak li għandu x'jaqsam mal-elezzjonijiet lokali, li jiġu eliminati l-ostakli burokratiċi li l-persuni spostati internament ikollhom quddiemhom biex jinkitbu fil-listi elettorali, li jiġi ffissat finanzjament massimu għall-kampanji elettorali u li titħalla l-parteċipazzjoni ta' kandidati individwali, anki billi jerġa' jiġi kkunsidrat il-pjan għall-introduzzjoni ta' garanzija fi flus għall-kandidati fil-komunitajiet iż-żgħar;

Riformi u qafas istituzzjonali

6.

Jisħaq fuq l-importanza tar-riformi favur id-demokrazija u tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet bħala mekkaniżmi ta' sikurezza l-aktar effiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mekkaniżmi stabbiliti biex tiffaċilita u ssostni l-implimentazzjoni tar-riformi min-naħa tal-Ukrajna; jissuġġerixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni, f'kooperazzjoni stretta mas-soċjetà ċivili, ta' mekkaniżmi kwalitattivi u kwantittativi, li jinkludu parametri ta' riferiment ċari, rakkomandazzjonijiet u prinċipji ta' kundizzjonalità, għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi min-naħa tal-Ukrajna biex jintużaw ħalli titjieb il-metodoloġija tar-rapporti annwali ta' implimentazzjoni, li għandhom isiru strumenti effikaċi ta' gwida għar-riformi;

7.

Jisħaq fuq il-bżonn li jitjiebu l-mekkaniżmi ta' tmexxija u rapportar għall-valutazzjoni tal-progress li tagħmel l-Ukrajna, b'mod partikolari f'dawk li huma r-riformi fis-setturi tal-ġustizzja, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-governanza tal-impriżi ta' proprjetà tal-Istat u tal-enerġija, li jkunu marbuta mal-appoġġ ekonomiku u mal-investimenti;

8.

Jirrakkomanda li l-isforzi politiċi, l-appoġġ finanzjarju u l-assistenza teknika jkunu ċċentrati fuq numru limitat ta' prijoritajiet, bil-għan li jkunu żviluppati b'mod effikaċi l-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa biex jiżguraw is-suċċess fit-tul tar-riformi, mhux biss fil-leġiżlazzjoni iżda wkoll fil-prattika; isostni t-tisħiħ tal-kooperazzjoni settorjali bejn l-UE u l-Ukrajna f'setturi prijoritarji, bħall-ekonomija diġitali, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-kummerċ; jilqa' pożittivament l-ambizzjonijiet tal-Ukrajna biex toqrob lejn il-politiki tal-UE rigward is-suq uniku diġitali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz tal-implimentazzjoni tal-acquis rilevanti;

9.

Jirrikonoxxi l-istat ta' sħubija assoċjata tal-Ukrajna u tal-firmatarji l-oħra tal-FA u tad-DCFTAs u jitlob li jkun hemm djalogu politiku msaħħaħ magħhom bil-għan li jkompli jsir progress fl-integrazzjoni ekonomika u fl-armonizzazzjoni leġiżlattiva; jistieden lill-UE, bi qbil mal-prinċipju “aktar għal aktar”, tqis il-possibbiltà li toħloq għat-tliet pajjiżi assoċjati, fosthom l-Ukrajna, strateġija ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tar-riformi u tal-investimenti, li tkun subordinata għal interventi f'oqsma bħal, fost oħrajn, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' investiment, it-trasport, l-enerġija, il-ġustizzja u l-ekonomija diġitali, li tkun twitti t-triq għal aġenda ambizzjuża ta' integrazzjoni fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Ukrajna u lill-pajjiżi assoċjati l-oħra mal-UE, f'koordinament mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, proposta ekonomika u ta' investiment dettaljata, imfassla apposta u suġġetta għal kundizzjonijiet sa tmiem l-2020, fil-kuntest tal-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19; jistieden, barra minn hekk, lill-istituzzjonijiet tal-UE janalizzaw il-possibbiltà li jinkludu bħala osservaturi lill-Ukrajna u lill-pajjiżi assoċjati l-oħra fl-attivitajiet tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011 (7), kif ukoll fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill, biex jintwera l-impenn tal-UE favur integrazzjoni ulterjuri u biex jissaħħaħ l-orjentament lejn ir-riformi u l-kompetenzi amministrattivi tal-pajjiżi;

10.

Isostni r-rieżami komprensiv tal-FA/DCFTA bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tiegħu ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika, inkluża żieda fl-integrazzjoni settorjali tal-Ukrajna mal-UE;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-oqsma ttraskurati fil-FA/DCFTAs fir-rigward ta' oqsma ta' politika importanti bħall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tal-kriżijiet tas-saħħa, filwaqt li tiżgura li dawn ma jmorrux kontra l-bżonn essenzjali tal-azzjoni ambjentali u klimatika jew l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-investimenti f'setturi b'potenzjal għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-kompetittività fl-UE, u li jistgħu jrawmu aktar diversifikazzjoni ekonomika, bħall-enerġija sostenibbli u l-klima, is-suq uniku diġitali u ċ-ċibersigurtà u t-trasport;

13.

Jilqa' pożittivament il-progress li għamlet l-Ukrajna biex tonora l-impenji tal-pajjiż minquxa fil-FA, b'mod partikolari fl-oqsma tal-agrikoltura, l-enerġija, il-banek, id-deċentralizzazzjoni, l-ekonomija diġitali, l-ambjent u l-proċeduri elettorali; jinsab, madankollu, imħasseb li skont il-mekkaniżmu ta' reviżjoni tal-FA (“Pulse of the AA”), 37 % biss tal-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-FA tlestew fl-2019 (meta mqabbel ma' 52 % fl-2018); jirrikonoxxi t-tentattivi li saru fit-tieni semestru tal-2019 biex jitħaffef ir-ritmu tar-riformi, iżda jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Ukrajna ma jipprivileġġawx ir-rapidità tal-proċess leġiżlattiv milli l-kwalità tal-leġiżlazzjoni adottata, u jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jonoraw l-impenji tagħhom;

14.

Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-Ukrajna ma għandhiex tissottovaluta l-fatt li l-livell tal-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju mill-UE se jiddependi minn kemm se tirrispetta l-impenji li ħadet fil-konfront tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, speċjalment fir-rigward tal-proċess ta' riforma, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi u tal-libertajiet fundamentali u tal-ħolqien ta' stat tad-dritt awtentiku u effikaċi;

15.

Jilqa' favorevolment il-Pjan Direzzjonali Konġunt bejn il-Gvern u l-Parlament adottat fl-2018 u l-ħolqien ta' pjattaforma komuni għall-integrazzjoni Ewropea f'Novembru 2019 u jittama li dawn l-inizjattivi jissarrfu f'koordinament imsaħħaħ bejn id-diversi istituzzjonijiet involuti fil-proġettazzjoni, fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tar-riformi; jinkoraġġixxi lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ukrajna jtejbu l-użu tagħhom ta' dan l-istrument b'mod aktar effiċjenti u jirrieżaminaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom f'dik li hi l-implimentazzjoni tal-impenji relatati mal-FA u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex jiġu massimizzati s-sinerġiji, b'mod partikolari fl-għarfien espert tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-valutazzjonijiet ta' konformità;

16.

Ifaħħar lill-Ukrajna għall-progress li għamlet fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jisħaq fuq l-importanza li ma jitnaqqasx ir-ritmu tal-progress ulterjuri u li kwalunkwe ħatra temporanja matul il-perjodu tal-COVID-19 tkun suġġetta mill-aktar fis possibbli għal proċeduri ta' reklutaġġ meritokratiċi; huwa konxju mill-isfida importanti li din tirrappreżenta għall-governanza, għall-istituzzjonijiet u għall-amministrazzjoni pubblika fl-Ukrajna u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħti appoġġ tekniku u finanzjarju adegwat;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati miksuba mir-riforma għad-deċentralizzazzjoni u t-trasferiment ta' poteri lill-muniċipalitajiet mibdija fl-2014, li wriet li kienet waħda mir-riformi li s'issa rnexxiet l-aktar; jirrikonoxxi s-sostenn tal-proġett U-LEAD, li wassal għall-formazzjoni volontarja ta' kważi 1 000 komunità lokali unifikata li jirrappreżenta madwar 11,7-il miljun ċittadin; jivvaluta pożittivament il-miżuri adottati s'issa biex jiddeċentralizza l-awtorità pubblika u l-finanzi pubbliċi bis-saħħa ta' pakkett ta' atti ġuridiċi u l-implimentazzjoni prattika tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tistudja mill-qrib id-dettalji tar-riforma ta' deċentralizzazzjoni u potenzjalment tużaha bħala studju tal-każ ta' suċċess għal pajjiżi oħra;

18.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tlesti r-riforma għad-deċentralizzazzjoni fi djalogu wiesa' u miftuħ, b'mod partikolari mal-amministrazzjonijiet lokali awtonomi u mal-assoċjazzjonijiet tagħhom, bil-għan li żżid l-awtonomija u l-kompetenzi tal-gvernijiet lokali u tinkoraġġixxi skambji regolari bejn il-gvern ċentrali u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-gvernijiet lokali u reġjonali rigward kwalunkwe politika li jista' jkollha impatt territorjali;

19.

Jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni tal-ewwel ċiklu ta' elezzjonijiet lokali fil-25 ta' Ottubru 2020, b'36 % tal-elettorat li ħareġ jivvota, li kienu liberi u ġusti, iżda flimkien magħhom saret konsultazzjoni pubblika parallela li, skont l-OSKE/ODIHR, ħolqot vantaġġ politiku indebitu u ċajpret is-separazzjoni bejn Stat u partit; jistieden lill-awtoritajiet statali jirrispettaw l-awtonomija tal-amministrazzjonijiet lokali awtonomi u jsostnu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-muniċipalitajiet u tal-bliet; jitlob l-introduzzjoni tal-kunċett ta' entità pubblika territorjali bħala persuna ġuridika, li hija l-prattika stabbilita fl-Unjoni Ewropea u hija rikonoxxuta fil-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokal; jilqa' favorevolment il-modifika tal-leġiżlazzjoni dwar il-baġit, li tipprevedi l-garanzija ta' sehem tas-60 % tat-taxxa lokali fuq l-introjtu tal-persuni fiżiċi bħala kontribut neċessarju għas-sodezza tal-finanzi pubbliċi fil-livell lokali; iwissi kontra l-ħolqien ta' strutturi paralleli fil-livell lokali li jafu jagħtu lok għal ġlidiet fuq il-kompetenzi, iżda jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-assenjazzjoni ta' kompetenzi doppji lid-detenturi ta' karigi, b'hekk ikunu jassumu kemm kompetenzi lokali kif ukoll, fl-istess ħin, jiffunzjonaw bħala l-awtorità statali fl-aktar livell baxx; jieħu nota tar-riżoluzzjoni tal-Verkhovna Rada tas-17 ta' Lulju 2020 dwar il-formazzjoni u x-xoljiment tar-rajon, skont liema d-dispożizzjonijiet relatati mal-konsolidament tar-rajon se jkun, bħala regola, applikabbli anki għat-territorji tal-Krimea u għad-distretti tar-reġjuni ta' Donetsk u ta' Luhansk li attwalment mhumiex ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna;

Kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)

20.

Jirrikonoxxi l-esperjenza u l-għarfien espert uniċi tal-Ukrajna, u jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-missjonijiet, fil-gruppi tattiċi u fl-operazzjonijiet fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), il-kontribut tagħha fil-gruppi tattiċi tal-UE u l-allinjament dejjem akbar tagħha mal-istqarrijiet u mad-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali, u jifraħ lill-Ukrajna għall-istatus il-ġdid tagħha ta' “Sieħeb b'Opportunitajiet Imsaħħa” (Enhanced Opportunities Partner) tan-NATO;

21.

Jilqa' favorevolment il-progress pożittiv li sar fil-qasam tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, inkluża l-industrija spazjali, u fil-qasam tad-difiża, b'mod partikolari l-konverġenza fis-segmenti operattivi, edukattivi u istituzzjonali, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-bidliet interni neċessarji f'dawn is-setturi; ifaħħar id-disponibbiltà tal-Ukrajna li tipparteċipa f'Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u fil-programmi ta' riċerka tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA); josserva l-kooperazzjoni produttiva bejn il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tagħha; jistieden lill-UE u lill-Ukrajna jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, billi jagħtu attenzjoni partikolari lill-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant u lit-tentattivi tar-Russja li tipperikola s-sovranità tal-Ukrajna u li tikser l-integrità territorjalitagħha, permezz tar-rikonċiljazzjoni, il-kooperazzjoni fis-settur taċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, kif ukoll iħabirku biex isaħħu r-reżiljenza tal-familji, tal-komunitajiet u tal-istituzzjonijiet statali;

22.

Isostni l-parteċipazzjoni possibbli tal-Ukrajna fi proġetti tal-PSDK magħżula, anki fil-kooperazzjoni mal-EDA u b'mod partikolari fl-ambitu tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) dment li tissodisfa ġabra ta' kundizzjonijiet politiċi, sostanzjali u ġuridiċi maqbula, l-istess bħal fil-każ ta' pajjiżi oħra; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni reċenti tal-UE li tistieden lill-Ukrajna tipparteċipa fl-operazzjoni ALTHEA tal-UE fil-Bożnija-Ħerzegovina u jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat – l-UE u l-Ukrajna – ikomplu jwessgħu l-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

23.

Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tal-Ukrajna u s-settur pubbliku u dak privat Ewropej bil-għan li jiġġieldu kontra t-theddid ibridu li ġej prinċipalment mir-Russja u li jimmira, fost oħrajn, li jxerred informazzjoni falza, jinċita għall-vjolenza u jippromwovi sentimenti antigovernattivi u anti-Ewropej; iqis li jixraq u li wasal iż-żmien li l-UE u l-Ukrajna jibdew, mill-aktar fis possibbli, djalogu dwar kwistjonijiet informatiċi u jappoġġa l-idea li titwessa' l-portata tad-djalogu dwar is-sigurtà u d-difiża, bil-għan li jkun hemm reazzjoni adegwata għat-theddid attwali u futur, b'mod partikolari bi qbil mal-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà;

L-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna

24.

Itenni l-appoġġ sod u l-impenn tal-Unjoni favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti f'livell internazzjonali, kif ukoll l-appoġġ tagħha għal sanzjonijiet ikkoordinati f'livell internazzjonali fil-konfront tal-Gvern u tal-aġenti Russi li jikkompromettu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż, sakemm ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti kollha għat-tneħħija tas-sanzjonijiet, fosthom l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk u r-ripristinu tal-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti f'livell internazzjonali;

25.

Jibqa' jikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol u l-okkupazzjoni de facto ta' ċerti żoni ta' Donetsk u Luhansk; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha, tirtira l-forzi militari tagħha mit-territorju tal-Ukrajna u timplimenta b'mod sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna u dwar il-Krimea u Sevastopol;

26.

Jissottolinja li kwalunkwe ftehim mal-Federazzjoni Russa jrid jirrispetta l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk u t-twettiq tar-riżoluzzjonijiet tan-NU dwar l-istatus tal-Krimea u r-rispett għall-integrità territorjali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa;

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon, wara stall li dam tliet snin, li fid-9 ta' Diċembru 2019 f'Pariġi ssuktaw it-taħditiet ta' paċi fil-qafas tal-Kwartett tan-Normandija; iħeġġeġ liż-żewġ naħat jaderixxu għall-ftehim ta' waqfien mill-ġlied; jisħaq fuq l-importanza li jiġu identifikati oqsma oħra ta' diżimpenn, jinbdew attivitajiet ta' tneħħija tal-mini u jinfetħu punti ta' kontroll fuq il-fruntiera tul il-linja ta' kuntatt, u jistieden lir-Russja tuża l-influwenza deċiżiva tagħha fuq il-formazzjonijiet armati appoġġati minnha biex jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji meħuda fl-ambitu tal-Ftehim ta' Minsk u tal-laqgħat reċenti tal-Kwartett tan-Normandija u tal-grupp ta' kuntatt tripartitiku; itenni, kif maqbul f'Minsk u fl-hekk imsejħa “Formula Steinmeier”, li l-elezzjonijiet lokali fiż-żoni okkupati tal-Ukrajna tal-Lvant għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna u taħt is-superviżjoni tal-OSKE; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet liberi u ġusti f'Donetsk u Luhansk; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pjan biex jiġu inklużi s-separatisti sostnuti mir-Russja fit-taħditiet tal-grupp ta' kuntatt tripartitiku ġie abbandunat; jiddispjaċih bil-kummenti li saru minn membri ta' livell għoli tad-delegazzjoni Ukrena fi ħdan il-grupp ta' kuntatt tripartitiku li ċaħdu l-involviment militari tar-Russja fil-kunflitt fir-reġjun tad-Donbas;

28.

Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet destabbilizzanti u l-involviment militari tar-Russja fl-Ukrajna; jesprimi tħassib għall-kostruzzjoni attwali, min-naħa tar-Russja, ta' strutturi u installazzjonijiet militari fil-peniżola tal-Krimea, inkluż l-iskjerament ta' ferm aktar minn 30 000 truppa, sistemi ġodda ta' missili mill-wiċċ għall-ajru u mill-wiċċ għall-wiċċ, sottomarini b'kapaċitajiet nukleari u bombers strategiċi; jikkundanna l-azzjonijiet illegali tar-Russja mmirati li tieħu f'idejha l-kontroll tal-Istrett ta' Kerch, inkwantu jikkostitwixxu ksur tad-dritt marittimu internazzjonali u tal-impenji internazzjonali tar-Russja, b'mod partikolari l-bini tal-pont ta' Kerch u tal-kollegament ferrovjarju tiegħu mingħajr il-kunsens tal-Ukrajna, it-tqegħid ta' kejbils sottomarini kif ukoll l-għeluq u l-militarizzazzjoni tal-Baħar ta' Azov, li jxekkel b'mod gravi l-attivitajiet ekonomiċi tal-Ukrajna; jistieden lill-Federazzjoni Russa tiżgura passaġġ liberu u mingħajr restrizzjonijiet minn u lejn il-Baħar ta' Azov, bi qbil mad-dritt internazzjonali, u l-aċċess għat-territorji okkupati tad-Donbas u għall-Krimea annessa għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-reġim ta' spezzjoni marittima mniedi fl-2018 mir-Russja għall-bastimenti kollha li jgħaddu mill-Istrett ta' Kerch ikkontrollat mir-Russja fit-triqthom lejn il-Baħar Azov u ġejjin minnu għadu qed iħalli konsegwenzi ekonomiċi negattivi għar-reġjun; jitlob il-ħelsien tal-priġunieri Ukreni kollha u tal-priġunieri tal-gwerra kollha fir-Russja, fil-Krimea u fiż-żoni tad-Donbas mhux ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna; jesprimi tħassib, madankollu, dwar l-inklużjoni furzata ta’ ċittadini Russi ssuspettati li kienu involuti fit-twaqqigħ tal-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines fl-iskambju ta’ detenuti bejn l-Ukrajna u r-Russja;

29.

Jenfasizza l-bżonn ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant; jitlob lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintensifikaw l-isforzi tagħhom favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt, billi jsostnu l-isforzi tan-naħat kollha involuti fil-proċess ta' paċi, kif ukoll iżidu l-miżuri biex tissaħħaħ il-fiduċja u jappoġġaw mandat għall-iskjerament ta' missjoni għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti fit-territorju okkupat kollu tal-Ukrajna; jitlob li, malli s-sitwazzjoni tippermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet involuti fil-kunflitt missjoni ċivili fl-ambitu tal-PSDK immexxija mill-UE, biex tgħin fil-kompiti bħat-tneħħija tal-mini, it-tħejjija tal-elezzjonijiet lokali u l-garanzija tal-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet li jagħtu għajnuna umanitarja; jistieden parallelament lill-istituzzjonijiet tal-UE jkunu lesti li jsaħħu s-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja jekk is-sitwazzjoni tirrikjedi hekk, anki fil-każ jekk ir-Russja tonqos milli tirrispetta l-obbligi tagħha li ġejjin mill-Protokoll ta' Minsk, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet ta' sigurtà;

30.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tonora l-impenji tagħha fil-qasam tar-riforma tal-kontrolli statali fuq l-esportazzjonijiet skont ir-rekwiżiti u l-istandards tal-UE u f'dik li hi l-implimentazzjoni ta' politika konsistenti u sistematika dwar is-sanzjonijiet; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw aħjar l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, anki permezz ta' superviżjoni aħjar tal-attivitajiet tal-awtoritajiet fl-Istati Membri inkarigati mill-implimentazzjoni tar-regoli komuni tal-UE;

31.

Jistieden lis-SEAE jiżviluppa rwol aktar attiv għall-UE, irrappreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna tal-Lvant, anki fil-qafas tal-Format tal-Kwartett tan-Normandija; jirrakkomanda li titqies il-possibbiltà li jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun tad-Donbas;

32.

Itenni l-appell tiegħu għal format internazzjonali ta' negozjati għall-waqfien tal-okkupazzjoni tal-peniżola tal-Krimea bil-parteċipazzjoni attiva tal-UE; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ neċessarju għall-ħolqien ta' Pjattaforma Internazzjonali għall-Krimea, li jkun jippermetti li jiġu kkoordinati, fformalizzati u sistematizzati l-isforzi għar-ripristinu tal-integrità territorjali tal-Ukrajna; iqis li hu importanti li l-Mejlis tal-poplu Tataru tal-Krimea, bħala l-uniku organu rappreżentattiv rikonoxxut f'livell internazzjonali tat-Tatari tal-Krimea, fl-attivitajiet ta' din il-Pjattaforma;

33.

Ifakkar, fil-frattemp, li skont id-dritt umanitarju internazzjonali, il-Federazzjoni Russa, inkwantu l-Istat okkupanti, għandha r-responsabbiltà totali li tissodisfa l-bżonnijiet tal-popolazzjoni tal-peniżola tal-Krimea temporanjament okkupata, anki għal dak li għandu x'jaqsam mal-provvista ta' ilma tagħha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, barra minn dan, skont ir-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, li tagħha r-Russja hija parti, potenza okkupanti ma tistax tobbliga lir-residenti tat-territorju okkupat iservu fil-forzi armati jew awżiljarji tagħha;

34.

Jikkundanna l-Federazzjoni Russa talli insedjat ċittadini Russi fil-Krimea okkupata u fit-territorji ta' Donetsk u Luhansk, b'hekk ikkompromettiet il-bilanċ bejn id-detenturi ta' passaporti Russi u l-Ukreni, il-ħruġ kontinwu ta' passaporti Russi lir-residenti tat territorji Ukreni temporanjament okkupati, bi ksur tas-sovranità tal-Ukrajna u tal-objettivi u d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta' Minsk, kif ukoll it-tentattivi tagħha li torganizza elezzjonijiet lokali fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea fl-Ukrajna fit-13 ta' Settembru 2020; jafferma li l-elezzjoni tal-gvernatur ta' Sevastopol kienet illegali u kisret id-dritt internazzjonali, l-istess bħall-vot għar-rappreżentanti fl-hekk imsejjaħ Kunsill tal-Istat tar-“Repubblika tal-Krimea”, fl-hekk imsejħa Assemblea Leġiżlattiva tal-belt ta' Symferopol u fl-hekk imsejjaħ Kunsill Rurali tar-reġjun ta' Razdolno; jistieden lill-UE timponi sanzjonijiet lil dawk responsabbli mill-organizzazzjoni u mill-iżvolġiment tal-elezzjonijiet; jiddeplora l-azzjonijiet li ħadet ir-Russja biex iddaħħal bil-lieva lil ġuvintur fil-Krimea okkupata ħalli jservu fil-forzi armati Russi, li minnhom 85 % ntbagħtu biex iservu fil-Federazzjoni Russa; jistieden lir-Russja ma tibqax taqbad bil-lieva lill-persuni fil-Krimea u tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

35.

Jesprimi s-sostenn sħiħ tiegħu għall-isforzi biex tinkiseb ġustizzja għall-298 vittma kollha tat-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines permezz ta' missila mill-wiċċ għall-ajru fornuta mir-Russja u għal qrabathom, anki għal li għandu x'jaqsam mal-proċedimenti kriminali mibdija skont id-dritt Netherlandiż u bis-sostenn tal-komunità internazzjonali fil-konfront ta' erba' suspettati u l-proċediment mibdi kontra r-Russja quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; ifaħħar lill-Ukrajna għall-kollaborazzjoni kostanti tagħha fl-ambitu tas-SIK biex taċċerta l-verità, tidentifika s-suspettati u ttella' lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; jikkundanna l-irtirar unilaterali tar-Russja mill-konsultazzjonijiet trilaterali mal-Awstralja u man-Netherlands għall-aċċertament tal-verità; jistieden lir-Russja tikkoopera bis-sħiħ fl-isforzi kollha li għaddejjin biex tiġi aċċertata r-responsabbiltà ta' kwalunkwe persuna jew entità involuta fit-tniżżil tal-ajruplan tat-titjira MH17, billi tissokta, fost oħrajn, id-djalogu għall-aċċertament tal-verità mal-Awstralja u man-Netherlands, tiżgura l-kooperazzjoni tagħha mar-rikors interstatali fir-rigward tal-materja ppreżentat min-Netherlands fil-konfront tar-Russja quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u testradixxi lil Volodymyr Tsemakh lejn in-Netherlands; iħeġġeġ lir-Russja tieqaf tippromwovi d-diżinformazzjoni fir-rigward tat-titjira MH17;

36.

Jistieden lill-Ukrajna tassisti lill-gvern ċentrali tal-Moldova fl-isforzi tiegħu biex jerġa' jikseb il-kontroll tat-Transnistrija abbażi tal-integrità territorjali tal-Moldova;

37.

Jieħu nota tal-adozzjoni tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali f'Ġunju 2018 u tal-liġi relatata mal-akkwist fil-qasam tad-difiża u mal-intelligence fl-2020; iħeġġeġ, madankollu, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni addizzjonali bil-għan li tillimita l-kompetenzi tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna (SSU) biex tittrasformah f'aġenzija inkarigata purament mill-counter-intelligence u mill-ġlieda kontra t-terroriżmu u tissottoponi s-settur tas-sigurtà kollu kemm hu għall-kontroll parlamentari;

Ġustizzja, libertà, sigurtà u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

38.

Itenni li l-ksib ta' riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huwa essenzjali biex jinżamm fost iċ-ċittadini livell għoli ta' appoġġ favur il-proċess ta' riforma, anki biex jitjieb il-kuntest tan-negozju u biex jinġibdu investimenti diretti barranin; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jagħmlu aktar progress f'dawk li huma riformi, partikolarment fis-settur tal-istat tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiżguraw l-indipendenza u t-tkomplija tal-ħidma tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; ifaħħar, f'dan ir-rigward, lir-rikostituzzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u d-dħul fis-seħħ f'Jannar 2020 tal-liġijiet il-ġodda dwar l-arrikkiment illeċitu u dwar l-informaturi ta' irregolaritajiet, kif ukoll il-bidu tal-attivitajiet tal-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni f'Settembru 2019;

39.

Jinsab, madankollu, imħasseb bl-eżitu tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-27 ta' Ottubru 2020, li ħolqot vojt ġuridiku fl-arkitettura antikorruzzjoni Ukrena u dgħajfet serjament l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni; jirrikonoxxi l-isforzi attivi li beda l-President Zelenskyy, segwit f'dan mill-partijiet politiċi kkonċernati, biex jerġa' jistabbilixxi l-leġiżlazzjoni u l-kredibbiltà tal-arkitettura antikorruzzjoni Ukrena; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jkomplu l-isforzi tagħhom biex jerġgħu jistabbilixxu arkitettura istituzzjonali totalment operattiva, effikaċi u komprensiva għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anki fil-ġudikatura, filwaqt li jippreservaw totalment l-indipendenza ta' din tal-aħħar mill-poter eżekuttiv u minn dak leġiżlattiv; jissottolinja li Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni mgħammra bis-setgħat neċessarji kollha taqdi rwol kruċjali f'dan il-kuntest u li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ma għandhiex tintuża bħala pretest biex din tiddgħajjef jew tkun ostakolata; jesprimi t-tħassib serju li għandu dwar tentattivi apparenti ta' ċerti gruppi ta' interess biex jimminaw ir-riżultati li kiseb il-pajjiż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fir-riformi demokratiċi b'mod ġenerali, partikolarment it-tentattivi ta' ċerti oligarki Ukreni li jerġgħu jaħtfu taħt idejhom il-poter politiku, u b'hekk dgħajfu l-maġġoranza riformatriċi fil-Verkhovna Rada, kif juru wkoll id-diffikultajiet misjuba biex jimtela l-vojt leġiżlattiv li ħalliet is-sentenza kontroversjali tas-27 ta' Ottubru 2020 tal-Qorti Kostituzzjonali; iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha jġeddu l-impenn tagħhom favur ir-riformi li l-eletturi Ukreni esiġew u li huma kruċjali biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, tinqered il-korruzzjoni u tinkiseb prosperità aqwa għall-popolazzjoni tal-Ukrajna;

40.

Jisħaq fuq l-importanza li tkun żgurata l-indipendenza tal-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni u ta' istituzzjonijiet oħra impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jitlob li fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jiġi adottat approċċ oġġettiv u imparzjali biex ikunu garantiti l-fiduċja u l-appoġġ pubbliku fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jieħu nota tal-ewwel sentenzi maqtugħa u tar-rispett tal-istandards professjonali rigorużi ta' din il-Qorti; jitlob, madankollu, li tkun intensifikata l-ħidma tal-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni biex tiżdied ir-rata ta' kundanni, anki fil-każijiet ta' livell għoli;

41.

Jifraħ bix-xogħol li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna, li x'aktarx huwa l-istituzzjoni impenjata fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni l-aktar effikaċi tal-pajjiż; jenfasizza barra minn hekk il-bżonn li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna; iħeġġeġ għaldaqstant li l-liġi dwar l-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna tkun allinjata mal-Kostituzzjoni mad-deċiżjoni reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali u li jkunu previsti preċeduri ta' selezzjoni trasparenti, depolitiċizzati u meritokratiċi għal-Kapijiet ta' tali Uffiċċju, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u tal-Uffiċċju Investigattiv tal-Istat, billi ssir ukoll verifika kredibbli tal-integrità tagħhom;

42.

Jiddispjaċih bit-tentattivi li jsiru attakki fuq l-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li dawk jiġu kompromessi, minn membri tal-Verkhovna Rada, b'mod partikolari t-tentattivi biex jitkeċċa d-Direttur tal-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna u l-proċess ta' selezzjoni opak tad-Direttur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni; josserva n-nuqqas ta' protezzjoni tal-attivisti tal-NGOs u tal-ġurnalisti li jikxfu u jiddenunzjaw każijiet ta' korruzzjoni u jitlob l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet, li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2020;

43.

Jilqa' pożittivament l-abbozz ta' Strateġija tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni għall-perjodu 2020-2024 u jistenna li l-Verkhovna Rada ma ddumx ma tadotta strateġija komprensiva, u żżomm l-elementi fundamentali kollha tal-abbozz; jirrikonoxxi li d-diversi forom ta' pressjoni u sabotaġġ li għalihom huma suġġetti l-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma r-rifless ta' ġlieda dejjem aktar effikaċi u ta' suċċess kontra l-korruzzjoni; jinsisti li l-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħall-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u l-Qorti Superjuri kontra l-Korruzzjoni għandhom jibqgħu indipendenti, effikaċi u mgħammra b'riżorsi adegwati; ifaħħar l-adozzjoni, f'Diċembru 2019, tal-liġi l-ġdida dwar il-ħasil ta' flus, li saħħet it-trasparenza tal-istrutturi relatati mas-sjieda tal-impriżi fl-Ukrajna u tirrappreżenta titjib notevoli tal-qafas ġuridiku rilevanti;

44.

Jinsab imħasseb bil-kbir dwar il-livell għoli tal-pressjoni politika sistematika u l-atti ta' intimidazzjoni li saru, sfortunatament mhux għall-ewwel darba, fil-konfront tal-President tal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna u li wasslu għar-riżenja tiegħu f'Lulju 2020; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jastjenu milli jeżerċitaw pressjoni politika fuq l-istituzzjonijiet ekonomiċi indipendenti u fuq l-awtoritajiet tal-infurzar, u jiggarantixxu li l-indipendenza tagħhom tkun ippreservata bħala garanzija tal-funzjonament korrett tas-suq u ta' kundizzjonijiet ta' parità għall-operaturi ekonomiċi kollha;

45.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ġudikatura għadha waħda mill-istituzzjonijiet li l-aktar mhijiex fdata fl-Ukrajna u jinsab imħasseb serjament bl-istat li spiċċat fih b'segwitu għar-riforma ta' Ottubru 2019, li wasslet għaż-żarmar u għar-rikostituzzjoni tal-Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin u rriżultat fis-sospensjoni tal-proċess ta' rivalutazzjoni u ta' reklutaġġ tal-imħallfin, b'hekk tħallew vakanti madwar 2 000 kariga ta' mħallef; jiddispjaċih bil-fatt li fl-imgħoddi l-Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin ma ħaditx kont tal-opinjoni tal-Kunsill għall-Integrità Pubblika fir-rivalutazzjoni tagħha tal-imħallfin, u jħeġġiġha tagħmel hekk fil-ġejjieni biex tkopri l-postijiet vakanti fil-qrati ta' grad inferjuri bi mħallfin li jissodisfaw l-istandards etiċi u ta' integrità f'konformità sħiħa mal-Opinjoni nru 969/2019 tal-Kummissjoni ta' Venezja; jinsisti fuq ir-rikostituzzjoni bikrija tal-Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin abbażi ta' emenda tal-Liġi nru 3711 f'konformità mad-deċiżjoni nru 4-p/2020 tal-11 ta' Marzu 2020 tal-Qorti Kostituzzjonali Ukrena, bil-għan li titwaqqaf Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin indipendenti bbażata fuq proċedura ta' selezzjoni trasparenti, bil-parteċipazzjoni ta' esperti internazzjonali; itenni li Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin mgħammra bis-setgħat għandha tkun tista' tagħmel selezzjoni effikaċi tal-imħallfin il-ġodda u tivvaluta l-imħallfin fil-kariga, bi qbil mar-regoli u mal-proċeduri adottati mill-istess Kummissjoni Superjuri għall-Kwalifiki tal-Imħallfin fl-ambitu tal-mandat tagħha; jinsisti bil-qawwa biex issir verifika tal-integrità tal-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja li għadu ma ġiex riformat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jkomplu u jaċċeleraw ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja biex ma tkunx kompromessa l-ħidma tal-istituzzjonijiet impenjati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jastjenu minn proċessi politikament motivati u mill-istrumentalizzazzjoni tal-ġudikatura kontra l-avversarji politiċi u jikkompletaw il-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod eżistenti u ġodda fil-qasam tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba biex timmonitorja u tivvaluta l-progress li għamlet l-Ukrajna, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u l-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt, sabiex jiġi żgurat skrutinju mill-qrib tar-riformi li għaddejjin u l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni xierqa tan-nuqqasijiet possibbli f'dawn ir-riformi;

47.

Jilqa' pożittivament ir-riforma tal-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali li nbdiet f'Settembru 2019 u jitlob li titlesta l-attestazzjoni tal-prosekuturi, biex b'hekk jiġi żgurat li l-prosekuturi l-ġodda fil-livelli kollha jintgħażlu fi proċess trasparenti u politikament imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jsaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jtejbu l-qafas leġiżlattiv, kif ukoll il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn l-aġenziji responsabbli tal-infurzar tal-liġi;

48.

Jappella bil-qawwa lill-awtoritajiet Ukreni biex jastjenu mill-prattika ħażina preċedenti tagħhom li jsegwu kawżi ġudizzjarji motivati politikament; jissottolinja f'dan ir-rigward li d-diverġenzi dwar kwistjonijiet politiċi għandhom jiġu indirizzati fil-fora politiċi kompetenti u mhux fl-isfera ġudizzjarja;

49.

Jinsab imħasseb bil-fatt li l-Ukrajna hija elenkata mill-Kummissjoni bħala pajjiż ta' prijorità tal-“kategorija 2”, jiġifieri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mhumiex protetti u infurzati biżżejjed; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli doganali u l-infrastruttura għal titjib fil-prevenzjoni tad-dħul u t-tranżitu ta' prodotti kontrafatti lejn l-Ukrajna u fiha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Ukrajna fit-tfassil ta' abbozzi ta' liġijiet ġodda dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

50.

Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli l-investigazzjoni tad-delitti kommessi minn membri tal-forzi Ukreni fil-konfront ta' attivisti waqt il-protesti tal-Euromaidan u jipprovdi ġustizzja lill-vittmi u l-familji tagħhom minnufih;

51.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

52.

Jilqa' pożittivament l-emendi tal-Kodiċi Kriminali Ukrena li jiddefinixxu l-istupru u l-vjolenza sesswali bħala nuqqas ta' kunsens u jħeġġeġ l-iżvilupp rapidu ta' metodoloġija għall-investigazzjoni ta' reati ta' vjolenza sesswali; jiddispjaċih għall-fatt li minħabba n-nuqqas ta' tali metodoloġija, l-ebda każ ta' prosekuzzjoni dwar stupru jew vjolenza sesswali fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kunsens ma tressaq fl-2019;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

53.

Jikkundanna bil-qawwa l-ksur fuq skala kbira u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-espressjoni, ir-reliġjon jew it-twemmin u l-assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt għal assemblea paċifika, imwettqa mill-forzi ta' okkupazzjoni Russi fit-territorju okkupat temporanjament tal-Krimea u mill-gruppi armati sostnuti mir-Russja fiż-żoni tad-Donbas li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-gvern, inklużi l-lieva furzata, id-deportazzjoni, l-impożizzjoni illegali u furzata ta' passaporti, ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-edukazzjoni u tal-lingwi, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u kundizzjonijiet oħra ta' detenzjoni ħarxa, kif ukoll miżuri restrittivi bħall-għeluq unilaterali ta' punti ta' kontroll u l-aċċess miċħud lin-NU, li jqajmu tħassib serju fiż-żmien tal-pandemija attwali;

54.

Ifakkar li l-ħajja u l-benessri tal-popolazzjoni ċivili għadhom f'riskju mill-gwerra flUkrajna tal-Lvant u jinnota li t-tnaqqis tal-ostilitajiet fl-Ukrajna tal-Lvant matul il-waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ fis-27 ta' Lulju 2020 ikkontribwixxa għal tnaqqis ta' 53 % fl-inċidenti tas-sigurtà u tnaqqis fl-għadd ta' vittmi ċivili; jilqa' favorevolment il-programm “EU4ResilientRegions”, li jinkludi EUR 30 miljun, bil-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ukrajna tal-Lvant u tan-Nofsinhar fir-rigward tal-impatti negattivi tal-kunflitt li għaddej bħalissa, inkluż theddid ibridu u fatturi destabbilizzanti oħra;

55.

Jinsab madankollu mħasseb ħafna bid-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fit-territorji tal-Lvant li bħalissa mhumiex ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna, speċjalment fid-dawl tal-emerġenza attwali tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali de facto jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni, inkluż l-aċċess għall-faċilitajiet tas-saħħa u għall-kuri mediċi ta' kwalità tajba, jiġu ssodisfati, u jikkooperaw bis-sħiħ mal-Gvern leġittimu Ukren għal dak il-għan;

56.

Jissottolinja li fl-Ukrajna tal-Lvant, aktar minn 3,5 miljun persuna fuq iż-żewġ naħat tal-linja ta' kuntatt għadhom jiddependu mill-assistenza u mill-protezzjoni umanitarja, filwaqt li qed iħabbtu wiċċhom ma' qtugħ tal-provvisti tal-ilma u tal-elettriku; jinnota li l-pandemija attwali tal-COVID-19 aggravat l-isfidi li għandhom quddiemhom dawn in-nies; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mal-korpi tan-NU, iżżid l-isforzi tagħha biex tipprovdi assistenza matul din il-kriżi umanitarja, f'konformità mal-Ħarsa Ġenerali lejn il-Ħtiġijiet Umanitarji (Humanitarian Needs Overview);

57.

Jiddispjaċih li, mill-bidu tal-okkupazzjoni, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea marret għall-agħar, peress li sa mill-bidu tal-okkupazzjoni r-Russja naqqset drastikament il-libertajiet ta' għaqda, espressjoni, assoċjazzjoni, aċċess għall-informazzjoni u reliġjon; jiddeplora l-politiki diskriminatorji imposti mill-awtoritajiet awtoproklamati Russi kontra, b'mod partikolari, il-minoranza etnika Tatara tal-Krimea, il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom, l-intimidazzjoni dejjem akbar ta' dik il-komunità u ta' dawk li jopponu l-annessjoni illegali permezz ta' lieva furzata, persekuzzjonijiet, perkwiżizzjonijiet, detenzjonijiet u għajbien furzat, u, kif imsemmi hawn fuq, in-nuqqas ta' libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni, reliġjon u moviment fil-peniżola; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet taċ-ċittadini Ukreni detenuti kollha illegalment u miżmuma l-ħabs fil-peniżola tal-Krimea u fir-Russja, inklużi l-attivisti Tatari tal-Krimea; jistieden, barra minn hekk, lir-Russja tinvestiga l-atroċitajiet imwettqa kontra t-Tatari tal-Krimea u tiggarantixxi u tissalvagwardja d-dritt tat-Tatari tal-Krimea, tal-Ukreni u tal-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha biex iżommu u jiżviluppaw il-kultura, it-tradizzjonijiet, l-edukazzjoni u l-identità tagħhom stess;

58.

Jiddispjaċih li hemm madwar miljun persuna u nofs spostata internament fl-Ukrajna, li jagħmilha d-disa' l-akbar pajjiż fid-dinja f'termini tan-numru ta' IDPs; jinnota li r-responsabbiltà primarja għal dan hija tal-Federazzjoni Russa u tar-rappreżentanti tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jagħmlu sforzi addizzjonali biex itaffu t-tbatija tal-persuni milquta mill-kunflitt u jimplimentaw miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-IDPs; jistieden lill-Ukrajna tagħti lill-IDPs drittijiet ċivili u politiċi sħaħ, u taderixxi mal-istandards internazzjonali rigward it-trattament tal-IDPs; jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Ukrajna fit-territorji okkupati temporanjament, inkluża s-semplifikazzjoni tal-proċeduri biex wieħed jirċievi l-pensjonijiet, jinkisbu ċ-ċertifikati tat-twelid għat-tfal u b'hekk jiġi evitat ir-riskju li jitħallew apolidi u vulnerabbli;

59.

Iħeġġeġ lill-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE timplimenta l-mandat tagħha, u tagħmel skambji regolari mal-vittmi u x-xhieda ta' persekuzzjonijiet, ma' avukati, NGOs u rappreżentanti tal-midja bħala mezz ulterjuri ta’ ta’ valutazzjoni tas-sitwazzjoni fit-territorji temporanjament okkupati fil-Krimea kif ukoll fl-Ukrajna tal-Lvant; jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iħares b'attenzjoni kontinwa lejn is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u fiż-żoni tal-Ukrajna tal-Lvant li mhumiex ikkontrollati mill-gvern;

60.

Jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni ta' ħames snin għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ukrajna jiskadi fl-2020 u jitlob li jsir rieżami bir-reqqa tal-kisbiet ewlenin tiegħu qabel ma jiġu stabbiliti għanijiet għal pjan ta' azzjoni ta' segwitu; jagħti attenzjoni mill-qrib lill-appoġġ ipprovdut mill-Gvern Ukren lill-popolazzjoni Tatara tal-Krimea, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' finanzjament fl-abbozz ta' baġit tal-2021, ippreżentat lill-Verkhovna Rada f'Settembru 2020, għall-programm ta' risistemazzjoni u akkomodazzjoni tat-Tatari tal-Krimea u ta' persuni ta' nazzjonalitajiet oħra deportati mit-territorju tal-Ukrajna; jistieden lill-Ukrajna tadotta l-liġijiet dwar il-popli indiġeni tal-Ukrajna, dwar l-istatus tal-poplu indiġenu tat-Tatari tal-Krimea, u li temenda l-Kostituzzjoni tagħha biex tirrikonoxxi l-awtonomija nazzjonali-territorjali tal-poplu tat-Tatari tal-Krimea fl-Ukrajna, u b'mod partikolari l-Krimea, li tirriżulta mid-dritt inaljenabbli tal-poplu indiġenu tat-Tatari tal-Krimea għall-awtodeterminazzjoni; jinsisti li l-awtoritajiet Ukreni jindirizzaw il-problemi tal-uniku stazzjon televiżiv bil-lingwa Tatara tal-Krimea, l-ATR, u joffru mekkaniżmu stabbli għal appoġġ finanzjarju u tekniku sabiex l-istazzjoni televiżiv ikun jista' jkompli jxandar fil-Krimea okkupata mir-Russja; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ukrajna biex tiżviluppa l-Istrateġija għall-Iżvilupp u l-Popolarizzazzjoni tal-Lingwa Tatara tal-Krimea għal perjodu li jwassal sal-2032;

61.

Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħmlu operattiv reġim globali ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, (leġiżlazzjoni Ewropea tat-tip Magnitsky),, li tippermetti li jiġu applikati sanzjonijiet fil-konfront ta' individwi u kumpaniji involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna fil-Krimea u f'partijiet tar-reġjuni ta' Donetsk u ta' Luhansk, kif ukoll sanzjonijiet kontra dawk u responsabbli għal reati oħra, inkluża l-korruzzjoni; jistieden lill-Ukrajna ssegwi dan l-eżempju u tintroduċi verżjoni Ukrena tagħha;

62.

Jieħu nota tal-liġi dwar l-appoġġ għall-funzjonament tal-lingwa Ukrena bħala l-lingwa tal-Istat u jitlob lill-awtoritajiet Ukreni jimplimentaw il-liġi b'mod sħiħ f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha u f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni nru 960/2019 tal-Kummissjoni ta' Venezja, jiġifieri li jiġi rrispettat id-dritt tal-komunitajiet li jiżviluppaw u jużaw bis-sħiħ il-lingwa tagħhom stess u jipproċedu bl-ogħla livell ta' kunsiderazzjoni u bilanċ lejn il-minoranzi nazzjonali, il-lingwi tagħhom u d-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni;

63.

Jistieden lill-Ukrajna tagħti setgħat lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Lingwa Uffiċjali, jew lil kwalunkwe entità stabbilita għall-istess għan, biex jimmonitorja l-konformità mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar l-użu tal-lingwi minoritarji u dwar il-popli indiġeni;

64.

Jappoġġa l-libertà tat-twemmin, tal-opinjoni u tal-espressjoni, u jisħaq fuq l-importanza li jingħata aċċess ugwali lill-minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi kollha għall-informazzjoni bħala elementi fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija; jikkundanna d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-oriġini etnika jew il-lingwa, u aħbarijiet foloz u miżinformazzjoni mmirati lejn minoranzi nazzjonali, etniċi u lingwistiċi;

65.

Jinnota li huma meħtieġa miżuri għat-tisħiħ tal-infrastruttura tad-drittijiet tal-minoranzi u għat-tisħiħ tal-fiduċja biex id-drittijiet tal-minoranzi jiġu protetti kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika; jirrimarka li tali miżuri għandhom jinkludu t-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika, it-tisħiħ tal-attenzjoni istituzzjonali għall-kwistjonijiet tal-minoranzi u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni aktar b'saħħithom u permanenti; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' azzjoni xierqa meħuda mill-awtoritajiet Ukreni biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u d-diskors ta' mibegħda mmirati lejn il-gruppi minoritarji, speċjalment il-komunità Rom, li kienet il-vittma ta' inċidenti ta' diskriminazzjoni, vjolenza mmotivata mir-razziżmu u manifestazzjonijiet ta' intolleranza; jistieden lill-Ukrajna ssaħħaħ il-kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst billi tingħaqad mal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawst (IHRA) u billi tadotta u tapplika d-definizzjoni ta' antisemitiżmu mill-IHRA; jitlob ukoll lill-Ukrajna tkompli bil-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitariżmu; jappella lill-Kummissjoni tistieden lill-Ukrajna tipparteċipa fil-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”;

66.

Jinkoraġġixxi x-xogħol tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex irawmu il-ġenerazzjoni tal-mexxejja politiċi li jmiss fl-Ukrajna;

67.

Jinkoraġġixxi t-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni mal-knejjes u mal-komunitajiet u mal-organizzazzjonijiet reliġjużi f'oqsma bħalma huma l-konsolidament tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'hekk isaħħu l-fiduċja f'soċjetà ġusta u ħielsa, kif ukoll fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi soċjali bażiċi;

Ix-xenarju tal-midja

68.

Jinnota l-isforzi ta' riforma li għaddejjin bħalissa fil-qasam tal-midja; jisħaq li r-riforma għandha tiżgura b'mod partikolari l-indipendenza, l-imparzjalità u r-responsabbiltà tal-korp regolatorju, it-trasparenza tas-sjieda tal-midja u l-opportunitajiet indaqs għall-mezzi ta' informazzjoni b'kompetizzjoni ġusta fis-suq; jesprimi tħassib dwar il-pjanijiet li l-aġenzija regolatorja tingħata kompetenzi ġodda u estensivi li għandhom ir-riskju li jaffettwaw il-libertà tal-midja u l-kontenut tal-midja online u dak stampat; jisħaq li, fir-rigward tal-abbozz ta' liġi dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-abbozz attwali jista' jwassal għal indħil wiesa' mill-Istat fil-kontenut tal-midja u fl-attivitajiet tal-ġurnaliżmu għad-detriment tal-libertà tal-midja u mhux se jkun effiċjenti fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; iħeġġeġ li tiġi organizzata konsultazzjoni usa' mal-komunità tal-midja u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jiġu evitati r-riskji għal-libertà tal-espressjoni;

69.

Jinnota bi tħassib li s-suq tal-midja televiżiva fl-Ukrajna, għalkemm huwa pluralistiku, għadu kkaratterizzat mill-influwenza eċċessiva tal-oligarki; iħeġġeġ lill-Ukrajna trawwem midja ħielsa u indipendenti u ssaħħaħ il-pluraliżmu tal-midja; jissottolinja l-importanza ta' xandar tas-servizz pubbliku sostenibbli, regolatur tal-midja indipendenti u soċjetà ċivili fil-bini tar-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u fatturi destabbilizzanti oħra; jistieden lill-Verkhovna Rada u lill-Gvern jirrispettaw l-impenji tal-Istat lejn ix-xandar pubbliku u jiżguraw appoġġ finanzjarju u politiku għall-modernizzazzjoni, l-indipendenza u l-kapaċità ulterjuri tiegħu fi twettiq ta' ġurnaliżmu investigattiv;

70.

Itenni l-ħtieġa li l-UE tkompli tappoġġa lill-Ukrajna fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni u tal-aħbarijiet foloz, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-midja indipendenti u l-komunikazzjonijiet strateġiċi tal-litteriżmu medjatiku, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ukrajna; jilqa' t-tħabbira tat-tnedija tad-djalogu ċibernetiku bejn l-UE u l-Ukrajna;

71.

Jesprimi tħassib dwar id-deterjorament tal-ambjent tax-xogħol għar-rappreżentanti tal-midja, b'mod partikolari l-ġurnalisti investigattivi li jirrappurtaw dwar il-korruzzjoni u l-frodi; jiddeplora kwalunkwe att li għandu l-għan li jillimita l-ħidma tal-ġurnalisti, inkluż ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni, l-investigazzjonijiet kriminali, il-pressjoni biex jiġu żvelati s-sorsi u d-diskors ta' mibegħda, b'mod partikolari d-diskors ta' mibegħda kontra l-midja indipendenti; jinsab imħasseb li, skont analiżi reċenti mwettqa mill-pjattaformi tal-ġurnalisti investigattivi Ukreni, il-membri tal-Verkhovna Rada sfaw vittmi jew saħansitra għenu intenzjonalment biex ixerrdu kampanji mmirati ta' diżinformazzjoni;

72.

Jiddispjaċih għall-bosta attakki fuq ġurnalisti u attivisti ċivili rreġistrati fil-perjodu 2017-2019; jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jħarrku lil dawk responsabbli u jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema tal-midja u tal-ġurnalisti, u jħeġġiġhom jadottaw approċċ proporzjonat meta jirregolaw il-midja;

73.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-klima politika fil-pajjiż marret għall-agħar, bl-użu ta' intimidazzjoni, ta' diskors ta' mibegħda u ta' pressjoni politika li qed jintużaw b'mod ġenerali għal skopijiet politiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jikkundannaw bil-qawwa u jipprojbixxu l-operazzjonijiet ta' gruppi u ta' siti web estremisti u li jinċentivaw il-mibegħda, bħal Myrotvorets, li jinċitaw it-tensjonijiet fis-soċjetà u jużaw b'mod abbużiv id-data personali ta' mijiet ta' persuni, inklużi ġurnalisti, politiċi u membri ta' gruppi ta' minoranza;

74.

Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' xenarju tal-midja demokratiku, indipendenti, pluralistiku u bbilanċjat fl-Ukrajna, li jtemm il-persekuzzjoni politikament motivata tal-mezzi ta' informazzjoni, inkluż ir-revoka tal-liċenzji, u jiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali, opinjonisti u vuċijiet dissidenti minn fastidju u intimidazzjoni, jippermetti aċċess nondiskriminatorju għal informazzjoni online u offline u parteċipazzjoni ċivika sinifikanti, u jissalvagwardja u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili; jisħaq li l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-avukati difensuri għandhom ikunu jistgħu jaħdmu indipendentement u mingħajr indħil u intimidazzjoni indebiti; jilqa' pożittivament il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ukrajna u tal-prosekutur tal-Krimea li jirreġistra, temporanjament operattiv mill-Ukrajna kontinentali, il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi investigat u li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-LGBTI

75.

Jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni ewlenija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jimplimentaw miżuri u jkomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika u tas-soċjetà, kif ukoll jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, fl-appoġġ finanzjarju, fil-programmi u fl-attivitajiet kollha tagħhom fir-rigward tal-Ukrajna, b'mod partikolari meta jkollhom l-għan li jtaffu l-effetti negattivi kkawżati mill-COVID-19, peress li n-nisa, inklużi l-imprendituri nisa, kienu fost dawk l-aktar milquta mill-konfinament strett;

76.

Jikkundanna l-attakki vjolenti u r-reati ta' mibegħda fil-konfront ta' persuni LGBTI u jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Ukrajna jinvestigaw b'mod effettiv dawn l-attakki; iħeġġeġ lill-Ukrajna tistabbilixxi u timplimenta b'mod effettiv leġiżlazzjoni sekondarja komprensiva li tiżgura l-libertà tat-twemmin, tiġġieled id-diskriminazzjoni kontinwa kontra persuni LGBTI, attivisti femministi, persuni b'diżabilità u minoranzi, u ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna u lill-atturi politiċi kollha jagħmlu sforzi biex joħolqu soċjetà inklużiva u tolleranti;

77.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-Artikolu 161 tal-Kodiċi Kriminali għadu ma jipprevedix pieni għall-inċitament għall-mibegħda jew il-vjolenza fuq bażi ta' orjentament sesswali jew identità tal-ġeneru, u li dawn ir-raġunijiet la huma kkunsidrati bħala ċirkostanti aggravanti ta' reati u lanqas ma huma kkontemplati fid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ċirkostanzi aggravanti skont l-Artikolu 67(1)(3); ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreveda l-inklużjoni tar-raġunijiet tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru bħala ċirkostanzi aggravanti fl-Artikolu 67 tal-Kodiċi Kriminali; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tal-ECRI u jistieden lill-Ukrajna temenda l-Kodiċi Kriminali f'dan is-sens;

Kummerċ u kooperazzjoni ekonomika, saħħa pubblika, xogħol u affarijiet soċjali, mobbiltà tal-ħaddiema

78.

Jenfasizza li l-Ukrajna hija sieħeb ġeopolitiku, ġeostrateġiku u kummerċjali importanti għall-Unjoni; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda sinifikanti fil-fluss kummerċjali bejn UE-Ukrajna, li wassal biex l-Unjoni bħalissa hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Ukrajna; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-ammont relattivament baxx ta' investimenti diretti barranin dieħel fil-pajjiż;

79.

Jilqa' favorevolment ir-riżultati pożittivi kontinwi miksuba fl-2019 fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bilaterali, b'żieda fl-importazzjonijiet mill-Ukrajna ta' 12,3 % u b'żieda fl-esportazzjonijiet ta' 9,7 %, jiġifieri total ta' EUR 43,3 biljun; jissottolinja li l-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna żdied b'49 % u li l-UE tibqa' s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Ukrajna, u li fl-2019 kienet tirrappreżenta 40 % tal-kummerċ tal-Ukrajna, filwaqt li l-Ukrajna hija t-18 l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, u tirrapreżenta 1,1 % tal-kummerċ totali tal-UE; jinnota li d-defiċit kummerċjali tal-Ukrajna mal-UE żdied għal EUR 5,1 biljun;

80.

Jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat jintensifikaw il-kooperazzjoni f'livell bilaterali u f'fora internazzjonali fl-indirizzar tal-isfidi ppreżentati mill-COVID-19, b'mod partikolari billi jagħmlu l-ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti u diversifikati u billi jaħdmu flimkien biex jindirizzaw ix-xejriet protezzjonistiċi; jinnota li l-objettiv tal-UE li tikseb awtonomija strateġika miftuħa jista' joħloq opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-viċinat tagħha;

81.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Ukrajna biex tidentifika l-oqsma li jistgħu jkomplu jrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika u ħalli tagħtihom prijorità fil-proċess tal-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA;

82.

Itenni li l-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-UE, kif previst fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-assoċjazzjoni u tappoġġa, f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet għal relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mtejba bejn l-Ukrajna u l-UE, kif ukoll proċess usa' ta' approssimazzjoni leġiżlattiva li jiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA u l-konformità mar-regolamenti u l-istandards ġuridiċi, ekonomiċi u tekniċi rilevanti;

83.

Jinnota li ġew introdotti għadd ta' riformi, li wasslu għad-deregolamentazzjoni tal-ekonomija, trasparenza akbar tal-finanzi pubbliċi u titjib fir-regolamenti dwar il-konċessjonijiet u s-sħubija pubblika-privata, li jipprovdu opportunitajiet ġodda kemm għall-investituri lokali kif ukoll għal dawk barranin;

84.

Jinnota, madankollu, li ma nkiseb l-ebda effett viżibbli fid-deoligarkizzazzjoni tal-pajjiż, peress li l-oligarki għad għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija u l-politika tal-Ukrajna, b'mod partikolari fis-sjieda tal-midja u l-influwenza fuq il-ġudikatura u s-sistema tal-infurzar tal-liġi; iqis li l-ħolqien ta' regoli ċari u ugwali għal kulħadd fl-ekonomija u fil-politika jista' jkun metodu effettiv ta' tnaqqis de facto fil-grad tal-influwenza mhux uffiċjali ta' grupp żgħir tal-aktar imprendituri sinjuri fuq il-funzjonament tal-Istat, inkluża l-leġiżlazzjoni, u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jħaffu l-proċess tad-deoligarkizzazzjoni;

85.

Jiddispjaċih, barra minn hekk, għaż-żieda fl-impriżi tal-Istat u jħeġġeġ lill-Ukrajna tkompli tmexxi 'l quddiem il-privatizzazzjoni tal-impriżi tal-Istat sabiex timmodernizza u ttejjeb il-funzjonament tal-ekonomija tagħha u tevita l-oligarkizzazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa għal impenn imġedded min-naħa tal-Ukrajna fil-ġlieda kontra l-influwenza ta' interessi personali li, jekk jiġu ttraskurati, jistgħu jimminaw serjament ir-riżultati tar-riformi miksuba s'issa u tal-miżuri ta' appoġġ tal-Ukrajna fit-totalità tagħhom;

86.

Jappella lill-Ukrajna u lill-UE jisaħħu l-kooperazzjoni dwar il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kummerċ bilaterali, inkluż il-konklużjoni tal-ftehim ACAA, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji, u d-dwana; jitlob, barra minn hekk, aktar kooperazzjoni settorjali bejn l-UE u l-Ukrajna fl-edukazzjoni u r-riċerka, fl-innovazzjoni, fis-settur tal-ICT u fid-diġitalizzazzjoni, kif ukoll fit-teknoloġiji ekoloġiċi, bil-għan li jiġu kondiviżi l-għarfien u l-aħjar prattiki; jappella, barra minn hekk, li jkun hemm aktar kooperazzjoni u integrazzjoni settorjali differenzjata b'mod gradwali tal-Ukrajna fl-unjoni tal-enerġija, fil-Komunità tat-Trasport u fis-suq uniku diġitali, fost oqsma oħra;

87.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukrajna jiftħu s-suq tal-avjazzjoni tal-pajjiż għall-kumpaniji Ewropej, inklużi l-kumpaniji b'tariffibaxxi, u jappoġġa l-iffirmar tal-ftehim dwar iż-żona ta' avjazzjoni komuni mill-aktar fis possibbli;

88.

Jilqa' pożttivament il-progress li sar fil-kooperazzjoni bejn l-Ukrajna u l-UE fil-qasam diġitali u jinkoraġġixxi approfondiment ulterjuri ta' tali kooperazzjoni, immirata biex jingħata trattament tas-suq intern lil xulxin, inkluż f'setturi oħra ta' interess reċiproku; jisħaq fuq l-importanza tal-passi meħuda lejn it-tranżizzjoni diġitali u l-governanza elettronika, kif ukoll il-progress fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna ma' dik tal-UE fis-servizzi fiduċjarji elettroniċi u l-komunikazzjonijiet elettroniċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna rigward il-litteriżmu medjatiku u tal-informazzjoni, il-governanza elettronika u l-ekonomija diġitali biex jirriflettu l-era diġitali attwali u l-integrazzjoni gradwali fis-suq uniku diġitali tal-UE, kif ukoll li tesplora modi kif jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-Ukrajna; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-programm il-ġdid tal-UE ta' EUR 25 miljun li jappoġġa l-governanza elettronika u l-ekonomija diġitali fl-Ukrajna; iħeġġeġ l-espansjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-Ukrajna ladarba tkun issodisfat ir-rekwiżiti tekniċi u ġuridiċi kollha;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jagħmlu valutazzjoni kredibbli tal-ħtiġijiet għar-reġjun tad-Donbas biex jistabbilixxu strateġija għall-irkupru soċjoekonomiku tiegħu u jissuġġerixxi l-ħolqien ta' qafas internazzjonali xieraq għar-rikostruzzjoni tad-Donbas;

90.

Jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jkomplu bir-riformi fis-sistema tas-saħħa pubblika, speċjalment meta jitqies l-impatt devastanti li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq is-sistema tas-saħħa tal-Ukrajna; jinnota li, skont l-UNICEF, il-COVID-19 ħolqot mhux biss kriżi tal-kura tas-saħħa pubblika, iżda wkoll kriżi soċjoekonomika, li tista' żżid ir-rata tal-faqar fl-Ukrajna minn 27,2 % għal 43,6 % jew saħansitra għal 50,8 %; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Gvern tal-Ukrajna jimplimenta miżuri komprensivi ta' protezzjoni soċjali biex itaffi l-effetti tal-COVID-19;

91.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ukrajna ngħaqdet mal-Kumitat tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa u s-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Rispons biex tieħu sehem fil-koordinament pan-Ewropew tal-azzjonijiet ta' rispons għall-COVID-19 fis-saħħa pubblika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Ukrajna jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tar-reżiljenza tas-saħħa pubblika, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jaħdmu mas-soċjetà ċivili biex jistabbilixxu strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti appoġġ lill-Gvern tal-Ukrajna biex jikseb aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19;

92.

Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jiżgura li kwalunkwe miżura restrittiva b'reazzjoni għall-COVID-19 ikollha bażi ġuridika, tkun strettament neċessarja u proporzjonata mal-objettiv tiġi protetta s-saħħa pubblika u jiġu salvati l-ħajjiet (abbażi ta' parir xjentifiku), tkun soġġetta għal rieżami kostanti u titneħħa meta ma tibqax meħtieġa, u tiġi applikata b'mod nondiskriminatorju; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-gruppi vulnerabbli u emarġinati ma jkunux żvantaġġati b'mod sproporzjonat mir-rispons għall-COVID-19, u jieħdu passi biex jindirizzaw l-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel;

93.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tindirizza l-klijenteliżmu u l-korruzzjoni mifruxa li għadhom jeżistu fis-settur tal-kura tas-saħħa tagħha, u speċjalment fil-Ministeru tas-Saħħa, u tinvestiga b'mod effettiv kwalunkwe attività korrotta, b'mod partikolari tentattivi biex jinkiseb apparat mediku u vaċċini tal-COVID-19 bi prezzijiet għoljin b'mod sproporzjonat waqt il-pandemija;

94.

Jirrikonoxxi l-ħidma tajba tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa tal-Ukrajna fl-istabbiliment ta' sistema trasparenti bil-kompitu li tiffinanzja t-trattamenti speċifiċi pprovduti lill-pazjenti; jistieden lill-Ministeru tas-Saħħa jappoġġa l-ħidma tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa tal-Ukraina;

95.

Ifaħħar il-progress fl-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE u l-adozzjoni f'Novembru 2019 ta' strateġija sanitarja u fitosanitarja, li tinkludi aktar minn 200 att normattiv tal-Unjoni li għandhom jiġu implimentati fid-dritt Ukren;

96.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress suffiċjenti fl-approssimazzjoni tal-istandards tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

97.

Jilqa' favorevolment l-adozzjoni f'Marzu 2020 tal-liġi dwar il-fatturat tal-art agrikola, li għandha tikkontribwixxi għall-isfruttament tal-potenzjal tas-settur agrikolu Ukren, kif ukoll l-adozzjoni, f'Mejju 2020, tal-liġi dwar it-titjib ta' ċerti strumenti tar-regolamentazzjoni tal-attività bankarja, li ssaħħaħ is-sistema bankarja u tipprevjeni lill-PrivatBank milli jiġi ritornat lis-sidien preċedenti tiegħu;

98.

Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ukrajna ngħaqdet mal-Arranġament Proviżorju ta' Arbitraġġ tal-Appell bejn Bosta Partijiet, u b'hekk ikkontribwiet biex jingħeleb l-imblokk ikkawżat mill-paraliżi tal-Korp tal-Appell u biex jiġi żgurat li l-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim f'żewġ stadji fi ħdan id-WTO sakemm il-Korp tal-Appell jerġa' jibda jopera;

99.

Jistieden lill-Ukrajna taderixxi mad-deċiżjonijiet futuri tal-Bord tal-Arbitraġġ rigward il-moratorju fuq l-esportazzjonijiet tal-injam mhux ipproċessat, filwaqt li tinforza d-diliġenza dovuta obbligatorja tul il-katina tal-valur kollha tal-prodotti forestali bażiċi u ttejjeb il-governanza fis-settur tal-forestrija;

100.

Jinnota bi tħassib li reċentement l-Ukrajna bdiet żewġ investigazzjonijiet ta' salvagwardja dwar l-importazzjonijiet ta' nitroġenu u fertilizzanti kumplessi mill-UE; jirrikonoxxi li l-Ukrajna ddeċidiet li ttemm iż-żewġ investigazzjonijiet ta' salvagwardja fl-aħħar minuta, filwaqt li qed jitħejjew aktar investigazzjonijiet ta' salvagwardja; iwissi li azzjonijiet simili jistgħu jimminaw il-fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ naħat;

101.

Ifakkar li l-laħam tat-tjur huwa prodott sensittiv fl-UE; jirrikonoxxi s-soluzzjoni li nstabet għall-esportazzjoni ta' qatgħat “oħra” tat-tjur billi jiġu emendati l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u għall-preparati tal-laħam tat-tjur, u b'hekk ġiet indirizzata lakuna fil-ftehim; jistieden lill-Ukrajna tastjeni minn prattiki simili u tirrispetta u timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet kollha tad-DCFTA in bona fide; jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-DCFTA u tuża l-miżuri kollha disponibbli biex tegħleb kwalunkwe prattika li tfixkel is-suq u l-isfruttament potenzjali tal-lakuni fil-liġi;

102.

Iħeġġeġ li jiġi indirizzat id-distakk rurali-urban fl-Ukrajna permezz ta' inċentivi finanzjarji u tekniċi effikaċi għal mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u impriżi tal-familja f'żoni rurali u suburbani, u permezz tat-titjib tal-konnettività tal-bniedem u tal-infrastruttura bejn il-bliet u l-pajżaġġ bil-għan li titrawwem il-koeżjoni soċjali;

103.

Jilqa' pożittivament ir-riżultati miksuba fl-ambitu tal-Faċilità tad-DCFTA għall-SMEs f'termini ta' titjib tal-aċċess għall-finanzi u ftuħ ta' opportunitajiet kummerċjali; jenfasizza li kampanja xierqa ta' informazzjoni tista' tippermetti lill-SMEs jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti mid-DCFTA;

104.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ tekniku għaċ-ċentri tal-impjiegi reġjonali sabiex tistimula l-impjiegi, issostni liż-żgħażagħ u lill-programmi ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli, u tinvesti fihom, li jiffavorixxu l-imprenditorija soċjali, u tiffoka fuq iż-żgħażagħ minn żoni rurali bil-għan li tissaħħaħ is-sistema edukattiva permezz tad-domanda tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli u jiġi evitat nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi;

105.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-effetti tad-DCFTA fir-rigward tad-drittijiet tax-xogħol u l-libertà ta' assoċjazzjoni marbuta mal-kummerċ mal-UE; jitlob lill-Gvern tal-Ukrajna biex jiffoka wkoll fuq id-dimensjoni soċjali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u jimmonitorja mill-qrib l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-implimentazzjoni tad-DCFTA; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jirrispetta u jinforza l-istandards tax-xogħol, u jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjonijiet kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli l-approssimazzjoni tal-istandards tax-xogħol tiegħu ma' dawk tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-għaqda u d-djalogu soċjali; jilqa' pożittivament l-inizjattiva għar-riforma tax-xogħol, iżda jenfasizza l-ħtieġa għal konsultazzjonijiet wiesgħa mat-trade unions u mas-soċjetà ċivili, u jirrakkomanda li jsir użu mill-għarfien espert mill-ILO dwar il-kwistjoni;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-trade unions, kif ukoll is-soċjetà ċivili fid-diversità kollha tagħha, ikunu involuti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-NGOs li jinvestigaw ksur tad-DCFTA, b'mod partikolari fl-isfera soċjali;

107.

Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jintroduċi sistema ta' inċentivi u sanzjonijiet biex jiġġieled kontra n-numru għoli ta' impjiegi fis-settur tal-impjiegi informali;

108.

Jirrikonoxxi ż-żieda fil-mobbiltà tal-forza tax-xogħol bejn l-Ukrajna u l-UE, b'rati ta' emigrazzjoni ta' bejn 2,2 u 2,7 miljun individwu, ekwivalenti għal bejn 13 u 16 % tal-impjiegi totali fl-Ukrajna, li min-naħa waħda tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-offerta ta' ħaddiema fl-Ukrajna u n-nuqqas ta' ħaddiema f'ċerti professjonijiet, u min-naħa l-oħra tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li jgħolli ż-żieda fil-pagi għall-ħaddiema li jibqgħu fil-pajjiż u jikkostitwixxi sors ta' influss ta' rimessi minn migranti li għandu impatt notevoli ta' 8 % fuq l-ekonomija Ukrena, filwaqt li jirrappreżenta sors ta' influss ta' rimessi ekwivalenti għal aktar minn 8 % tal-PDG; jitlob li ssir analiżi ulterjuri tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali u tal-impatti tal-mewġa tal-emigrazzjoni tax-xogħol ta' wara l-2014, kemm fuq l-ekonomiji kif ukoll fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Ukrajna u tal-Istati Membri; jissottolinja li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ governattiv għall-iżvilupp ta' ambjent tax-xogħol li jipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-impjegati tal-impriżi Ukreni, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, impjiegi ddikjarati legalment b'kopertura tas-sigurtà soċjali tal-Istat, salarji mħallsa fil-ħin u bis-sħiħ, id-dritt għal sħubija fi trade union u rappreżentanza tal-interessi, u negozjar kollettiv sinifikanti li jwassal għal ftehimiet kollettivi vinkolanti; itenni l-ħtieġa li jiġi indirizzat l-eżodu ta' mħuħ fl-Ukrajna billi ssir promozzjoni għall-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi, u jinħolqu opportunitajiet ta' impjieg bil-ħsieb li jiġu pprovduti perspettivi soċjoekonomiċi għaż-żgħażagħ u l-familji fil-komunitajiet lokali tagħhom;

109.

Jilqa' b'sodisfazzjon u jappella għal aktar żvilupp tal-programmi ffinanzjati mill-UE li jipprovdu appoġġ kemm għall-modernizzazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni vokazzjonali fl-Ukrajna (“EU4Skills: Better Skills for Modern Ukraine”), kif ukoll għall-ambjent tan-negozju li għandu rwol ewlieni għall-persuni rimpatrijati potenzjali u għall-imprendituri nazzjonali (il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-appoġġ għall-SMEs, ir-riforma doganali u fil-qasam tat-taxxa, eċċ.) – kemm permezz ta' għotjiet settorjali kif ukoll bħala kundizzjonijiet fil-programmi ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE;

110.

Jistieden lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jagħti prijorità lill-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tal-UE fl-oqsma tal-politika soċjali, l-impjiegi u x-xogħol, ir-regolamenti tan-negozjar kollettiv, id-djalogu soċjali, l-indirizzar tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u r-riforma tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tas-sħab soċjali jkunu bbilanċjati u li d-drittijiet tal-impjegati jkunu protetti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (l-Artikoli 419-421 u 424) u l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO (81, 87, 98, 117, 122, 129, 144, 154 u 173); ifakkar lill-Gvern tal-Ukrajna li l-isforzi tiegħu li jtejjeb il-klima tan-negozju, li jattira investimenti diretti u li jippromwovi t-tkabbir ekonomiku m'għandhomx isiru għad-detriment tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jindirizza u jappoġġa sistematikament u b'mod istituzzjonali d-djalogu soċjali u li jagħmel sforzi biex il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku Nazzjonali Tripartitiku jsir strument effettiv ta' djalogu soċjali;

111.

Jinnota bi tħassib li l-kapaċità tat-trade unions li jeżerċitaw drittijiethom fl-Ukrajna hija limitata minħabba leġiżlazzjoni imperfetta u vaga;

Enerġija, ambjent u tibdil fil-klima

112.

Jilqa' pożitivament it-tlestija tas-separazzjoni ta' Naftohaz fl-2019 u l-ħolqien ta' operatur ġuridikament indipendenti tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass (GTSO) f'konformità mat-tielet pakkett tal-enerġija tal-UE; jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Ukreni jsaħħu l-indipendenza teknika tal-GTSO minn Naftohaz; jilqa' pożitivament il-liberalizzazzjoni u l-ftuħ ta' suq tal-gass kompetittiv għall-unitajiet domestiċi; jiddispjaċih, madankollu, għall-aktar attakki reċenti fuq it-tmexxija ta' Naftohaz, inkluż il-bord superviżorju tal-kumpanija, li jdgħajfu l-indipendenza tagħha u l-progress tar-riforma fil-qasam miksub s'issa;

113.

Jissottolinja r-rwol tal-Ukrajna bħala pajjiż ta' tranżitu strateġiku għall-gass u l-ħtieġa li s-sistema nazzjonali ta' trażmissjoni tal-gass tagħha tiġi modernizzata, kif ukoll l-importanza tal-integrazzjoni tagħha mas-suq tal-enerġija tal-UE abbażi tal-implimentazzjoni effettiva tal-Anness XXVII aġġornat tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-kuntratt ta' tranżitu tal-gass fit-tul iffaċilitat mill-UE; jesprimi tħassib dwar il-bini tal-gassdott Nord Stream 2 u jtenni r-riskji politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà fundamentali fit-tul tiegħu; jinnota li l-gassdott isaħħaħ id-dipendenza tal-UE mill-provvisti tal-gass Russi, jhedded is-suq intern tal-UE, mhuwiex konformi mal-politika tal-enerġija tal-UE jew l-interessi strateġiċi tagħha u għandu konsegwenzi negattivi possibbli għall-Ukrajna mifnija bil-gwerra; għalhekk, f'konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu, jistieden lill-partijiet interessati kollha, u b'mod partikolari lil dawk fl-Istati Membri u fl-Ewropa, biex jagħmlu użu mill-klawsoli ġuridiċi disponibbli biex iwaqqfu l-proġett;

114.

Jitlob li l-Kummissjoni tgħarbel il-konformità tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni Ewropea fl-isfera tal-enerġija bil-għan li jkun hemm aktar integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija; jappoġġa bis-sħiħ l-integrazzjoni tal-Ukrajna mal-grilja kontinentali Ewropea (ENTSO-E); iħeġġeġ lill-Ukrajna ttejjeb il-koordinament tal-politiki u l-azzjonijiet internazzjonali (eż. il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Dinji, il-KfW, l-ENTSO-E u l-Komunità tal-Enerġija) u l-istituzzjonijiet Ukreni li jappoġġaw is-settur Ukren tal-enerġija;

115.

Jikkundanna l-estrazzjoni tal-gass, min-naħa tar-Russja, mill-blata Ukrena fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Ukrajna u jiddikjara li l-UE ma tirrikonoxxix is-sekwestru taż-żoni tal-gass mill-Federazzjoni Russa fil-Baħar ta' Azov u fil-Baħar l-Iswed u għandha tappoġġa l-azzjonijiet legali tal-awtoritajiet Ukreni biex iwaqqfu dawn l-estrazzjonijiet illegali;

116.

Jiddispjaċih li s-suq il-ġdid tal-operaturi tal-elettriku li beda jopera fl-Ukrajna f'Lulju 2019 għadu mhux kompetittiv skont l-istandards tal-UE; iħeġġeġ lill-Ukrajna, għalhekk, tlesti r-riforma tagħha u ttejjeb il-livell ta' konformità mad-dritt tal-UE, l-ewwel u qabel kollox billi ssaħħaħ l-indipendenza ta' Ukrenerho u tevita s-sussidjar reċiproku; jistieden lill-Ukrajna taġġorna l-impjanti tal-enerġija eżistenti tagħha biex tilħaq l-istandards ambjentali u ta' sikurezza stretti Ewropej;

117.

Jilqa' favorevolment il-pożizzjoni tal-Gvern tal-Ukrajna li jirrispetta l-impenn, meħud fi ħdan il-Komunità tal-Enerġija, li jikkonforma mad-dritt applikabbli tal-UE, inkluża l-politika ambjentali u ta' sikurezza, u b'hekk ma jippermettix l-importazzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija f'pajjiżi ġirien li qed jinbnew mingħajr konformità mar-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet internazzjonali u tal-ogħla standards internazzjonali ambjentali u ta' sikurezza;

118.

Jiddispjaċih għall-fatt li fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-Ukrajna għadha ma ssodisfatx l-obbligi tagħha lejn l-investituri, u li d-dewmien fil-pagamenti lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli jhedded l-iżvilupp ulterjuri ta' sorsi ta' enerġija nadifa fl-Ukrajna;

119.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jlestu b'mod urġenti l-modernizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari u jinvestigaw id-dewmien f'dawn il-proċessi, b'mod partikolari l-aġġornament tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Zaporizhzhia;

120.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni fl-infrastruttura fir-reġjun, id-diversifikazzjoni ulterjuri tal-provvisti tal-enerġija tal-Ukrajna, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-konnettività tas-settur tal-enerġija tal-Ukrajna, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali; jinnota li l-appoġġ u l-promozzjoni tal-kummerċ intrareġjonali fost il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant se joħolqu wkoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda, inkluż għall-SMEs;

121.

Ifaħħar l-adozzjoni mill-Gvern tal-Ukrajna fi Frar 2019 tal-istrateġija għall-politika ambjentali tal-istat sal-2030 u l-pjan nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart, il-liġijiet dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, u l-liġijiet adottati fil-qasam tal-politika dwar il-klima; iħeġġeġ lill-Ukrajna tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fl-implimentazzjoni tagħha tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima, fl-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika, kif ukoll biex iżżid l-isforzi tagħha dwar l-impenji nazzjonali relatati mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015;

122.

Iħeġġeġ lill-Ukrajna tiġġieled b'mod effettiv il-qtugħ illegali tas-siġar skont il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-istandards tal-protezzjoni ambjentali, u li tieħu azzjoni biex ittemm il-ħsara ambjentali kkawżata mill-isfruttament illegali u insostenibbli tar-riżorsi naturali, bħall-qtugħ illegali tas-siġar fil-foresti primordjali tal-Karpazji, li hija wkoll ir-raġuni ewlenija għall-għargħar fir-reġjun; jistieden lill-UE tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam b'rabta mal-proġett illegali għal ċentru ta' skijjar fis-Svydovets, kif ukoll il-metodu illegali u ta' ħsara għall-ambjent tal-estrazzjoni tal-ambra; iħeġġeġ lill-Ukrajna tinvesti f'infrastruttura turistika ekoloġikament u ambjentalment sikura u sostenibbli, u jistieden lill-awtoritajiet Ukreni jevitaw proġetti futuri milli jagħmlu ħsara lill-ambjent billi jtejbu l-iskrutinju, it-trasparenza u l-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-Ukrajna tagħti aċċess miftuħ u konvenjenti għall-informazzjoni ambjentali, tespandi ż-żoni protetti u tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal sustanzi niġġiesa ewlenin minn impjanti kbar tal-kombustjoni; jinkoraġġixxi lill-Ukrajna tadotta leġiżlazzjoni għall-iżvilupp ta' trasport sostenibbli; iħeġġeġ lill-Ukrajna tnaddaf u tarmi sustanzi kimiċi agrikoli perikolużi ħafna b'mod sikur u konxju mil-lat ambjentali, b'mod partikolari l-pestiċidi li m'għadhomx jintużaw fl-oblast' ta' Kherson u fir-reġjuni l-oħra tal-Ukrajna;

123.

Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatt ambjentali tal-kunflitt fl-Ukrajna tal-Lvant, inklużi l-perikli kkawżati mill-għargħar tal-minjieri interkonnessi; jitlob li ssir evalwazzjoni fil-fond tal-impatt ambjentali tal-kunflitt bi pjan ta' reazzjoni mfassal biex jipprevjeni kollass ekoloġiku; jipproponi programm ta' “tneħħija tal-mini mid-Donbas” li jinvolvi l-awtoritajiet Ukreni u l-komunità internazzjonali;

124.

Jinsab imħasseb ħafna wkoll fir-rigward ta' madwar 1 200 sors radjuattiv – użati għal skopijiet mediċi, industrijali jew xjentifiċi – li jinsabu fir-reġjun ta' Donetsk u fl-inħawi ta' madwaru, li joħolqu riskji serji għas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent; jistieden lill-OSKE, lill-grupp ta' kuntatt trilaterali u lill-Kwartett tal-Format tan-Normandija biex jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni ta' attivitajiet radjuattivi u l-kuntrabandu ta' sustanzi radjuattivi f'konformità mar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkollaboraw mal-partijiet interessati rilevanti sabiex jittrasportaw b'mod sikur sorsi radjuattivi mhux użati ta' attività għolja mir-reġjun tad-Donbas;

125.

Jilqa' favorevolment l-ambizzjoni tal-Ukrajna li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa b'mod adegwat l-isforzi tal-Ukrajna, fost l-oħrajn billi tistabbilixxi djalogu strutturat rilevanti, pjan direzzjonali u skambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fiha;

126.

Jilqa' pożittivament l-programm tal-UE ta' EUR 10 miljun “Pakkett dwar il-klima għal ekonomija sostenibbli” li se joffri appoġġ lill-Ukrajna fl-iżvilupp ta' approċċ olistiku biex tirristruttura s-setturi ekonomiċi ewlenin tagħha lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

Kuntatti interpersonali u l-ġestjoni tal-fruntieri

127.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-mobbiltà transfruntiera fit-tisħiħ tal-kuntatti interpersonali u jilqa' pożittivament l-implimentazzjoni kontinwa u ta' suċċess tar-reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ukrajna, li ppermetta liċ-ċittadini Ukreni jagħmlu aktar minn 40 miljun vjaġġ lejn pajjiżi tal-UE minn Ġunju 2017; jissottolinja l-importanza li jkomplu jiġu ssodisfati l-parametri ta' riferimenti għal-liberalizzazzjoni tal-viża u li jiġu aċċelerati l-isforzi ta' riforma relatati; jesprimi l-fehma li r-reġim mingħajr viżi rriżulta f'żieda fl-ivvjaġġar mill-Ukrajna lejn l-UE, u għalhekk f'fehim aħjar bejn is-soċjetajiet rispettivi, li huwa l-aħjar bażi għal avviċinament kontinwu; jissottolinja li dan l-approċċ għandu jitkompla u, maż-żmien, għandu jiġi estiż;

128.

Ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fl-oqfsa tal-UE, bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, u Ewropa Kreattiva, u l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni rilevanti fil-qafas tal-programmi attwali u futuri; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni tal-istudenti Ukreni, kif ukoll tal-għalliema universitarji u tal-iskejjel, fil-programmi Erasmus+ għandha tiġi estiża b'mod viżibbli;

129.

Jinnota li ż-żieda fl-għadd ta' żjarat minn ċittadini Ukreni fil-pajjiżi ta' Schengen irrappreżentat sfida għall-punti ta' qsim tal-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna, li huma konġestjonati u li la l-infrastruttura tagħhom u lanqas il-kapaċità tagħhom ma huma adegwati biex jipprovdu kundizzjonijiet deċenti u umani għan-nies li jaqsmu l-fruntiera; jinnota li waħda mill-aktar problemi akuti fil-fruntiera bejn l-UE u l-Ukrajna, speċjalment fis-sezzjonijiet Ungerija-Ukrajna u Polonja-Ukrajna, kienet iż-żmien twil ta' stennija għall-qsim tal-fruntiera; jappella lill-Kummissjoni tniedi djalogu bil-għan li tiżgura li l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri jkunu fil-pront u mingħajr korruzzjoni permezz ta', fost l-oħrajn, investimenti, taħriġ tal-persunal u mekkaniżmu effettiv għall-ilmenti tal-qsim tal-fruntieri; jinkoraġġixxi lill-UE tappoġġa l-istabbiliment ta' punti ta' qsim tal-fruntieri ġodda u l-espansjoni ta' dawk eżistenti fil-fruntiera bejn l-UE u l-Ukrajna permezz ta' monitoraġġ strett tal-finanzjament biex jiġu eliminati l-abbużi tal-passat;

130.

Jappoġġa kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Ukrajna, b'mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni tal-ażil u tal-identità bbażati fuq mezzi bijometriċi, il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kriminalità internazzjonali serja, u l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-Ukrajna u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX);

131.

Jinnota li sar aktar progress fir-rigward tal-allinjament tal-proċeduri doganali u tal-fruntieri tal-Ukrajna ma' dawk tal-Unjoni, kif ukoll ir-riformi istituzzjonali li għaddejjin tal-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa u tad-Dwana; jilqa' favorevolment il-liġi dwar l-Entità Ġuridika Unika għas-Servizz Doganali Statali, kif ukoll il-liġijiet dwar l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, u dwar l-introduzzjoni tas-Sistema Nazzjonali ta' Tranżitu Elettroniku, li ġew adottati fil-ħarifa tal-2019; jilqa' pożttivament ukoll l-adozzjoni f'Lulju 2020, tal-“Istrateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri sal-2025” u l-pjan ta' azzjoni sussegwenti għall-2020-2022; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-istall tal-proġett iffinanzjat mill-UE għall-modernizzazzjoni ta' sitt punti ta' kontroll fil-fruntiera mal-Unjoni u jiddeplora l-ħinijiet twal ħafna ta' stennija li għadhom irreġistrati f'dawk il-fruntieri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni, barra minn hekk, jadottaw il-miżuri u r-regolamenti pendenti kollha meħtieġa biex jagħmlu s-sistema dwar l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati u tas-Sistema Nazzjonali ta' Tranżitu Elettroniku kompletament operattivi u jiżguraw li l-ġestjoni l-ġdida tas-Servizz Doganali Statali tinħatar malajr minn fost il-kandidati kompetenti permezz ta' proċedura ta' selezzjoni pubblika trasparenti u imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jikkriminalizzaw il-kuntrabandu tal-oġġetti kollha bħala element kruċjali tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

132.

Jappella lill-UE u lill-awtoritajiet Ukreni u Moldovani jħaffu l-proċess għall-waqfien tal-kummerċ illegali u l-għeluq tal-kanali ta' kuntrabandu fit-Transnistrija bħala rifuġju sikur għat-traffikanti li ġie sfruttat minn kriminali u oligarki, filwaqt li jservi biex isaħħaħ l-influwenza Russa u kien wieħed mill-fatturi ewlenin li jtawwal il-kunflitt;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

133.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżitu tas-summit bejn l-UE u l-Ukrajna tat-6 ta' Ottubru 2020, l-ewwel summit bilaterali li sar fiżikament fi Brussell minn mindu faqqgħet il-pandemija, u d-dikjarazzjonijiet ċari taż-żewġ naħat għal impenn kontinwu fit-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea;

134.

Jinnota bi pjaċir l-eżitu tal-laqgħat u l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa fil-kuntest tad-Djalogi Jean Monnet tal-Parlament Ewropew għall-Paċi u d-Demokrazija mal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u jappoġġa bis-sħiħ il-kontinwazzjoni tagħhom; huwa konvint li l-approfondiment tal-kultura parlamentari tad-djalogu se jiżgura Verkhovna Rada tal-Ukrajna b'saħħitha, indipendenti, trasparenti u effikaċi, essenzjali għall-futur demokratiku u Ewropew tal-pajjiż u li hija konformi mal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ukreni;

135.

Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Verkhovna Rada tkompli b'mod attiv ir-riforma istituzzjonali tagħha li għandha l-għan li, fost l-oħrajn, iżżid il-kapaċità leġiżlattiva u l-kwalità, is-superviżjoni politika tal-eżekuttiv, kif ukoll it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini, bil-għan li tissemplifika u tagħti prijorità lill-adozzjoni ta' abbozzi ta' liġi relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif ukoll li tistabbilixxi salvagwardji istituzzjonali li jimblokkaw il-leġiżlazzjoni li tikser l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, pereżempju permezz ta' rwol aktar b'saħħtu għall-Kumitat għall-Integrazzjoni Ewropea, li l-opinjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni kontinwa tal-Parlament Ewropew mal-Verkhovna Rada sabiex jingħata appoġġ għal tali proċess ta' riforma; jisħaq fuq l-importanza li titkompla l-kooperazzjoni interparlamentari u l-kuntatti interpersonali bl-aħjar mod possibbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

136.

Jisħaq fuq l-importanza ta' appoġġ kontinwu għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea (EUAM) fl-Ukrajna u r-rwol tagħha fir-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili; jilqa' favorevolment il-ftuħ tal-uffiċċju lokali tagħha f'Mariupol, u jittama li jkun hemm riżultati tanġibbli, f'konformità mal-mandat tal-Missjoni; jitlob li l-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Ukreni involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA; jitlob li l-Kummissjoni tfassal l-għodod meħtieġa għall-appoġġ tal-allinjament kontinwu tal-Ukrajna mal-acquis tal-UE, f'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tat-22 Summit Ukrajna-UE;

137.

Itenni l-appell tiegħu għat-twaqqif ta' Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsaħħu u jespandu l-programmi ta' taħriġ għall-professjonisti legali Ukreni li jixtiequ jispeċjalizzaw fid-dritt tal-UE u jsaħħu l-kapaċità tal-Ukrajna li tipparteċipa f'Orizzont Ewropa, fost modi oħra biex jagħtu spinta lill-kuntatti interpersonali, u l-kooperazzjoni akkademika u edukattiva bejn l-UE u l-Ukrajna;

138.

Jilqa' pożittivament l-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u l-korsijiet ta' taħriġ għall-impjegati tas-servizz pubbliku Ukren organizzati mill-Kulleġġ tal-Ewropa ta' Natolin;

139.

Jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet Ukreni jiżviluppaw kampanji biex jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini dwar l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant u l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA, jissensibilizzaw dwar il-vantaġġi ta' assoċjazzjoni eqreb u jorbtuhom mal-iżviluppi pożittivi fis-swieq tax-xogħol fl-Ukrajna u fil-pajjiżi assoċjati l-oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni jikkomunikaw aħjar il-vantaġġi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA u tal-assistenza tal-UE liċ-ċittadini tal-Ukrajna u jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw li l-opportunitajiet offruti mill-FA/DCFTA u l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fiż-żoni remoti tal-pajjiż, b'mod partikolari ż-żoni rurali, sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni għal bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom;

140.

Ifaħħar lis-soċjetà ċivili, liż-żgħażagħ u lill-NGOs tal-Ukrajna għall-attivitajiet tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika u politika u, b'mod partikolari, għall-appoġġ tagħhom għall-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA, għall-indirizzar tal-isfidi tal-pandemija tal-COVID-19, għall-ġlieda kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni, għall-għoti ta' assistenza u għajnuna lill-IDPs u lil gruppi vulnerabbli oħra u għat-tisħiħ tar-reżiljenza soċjetali u l-litteriżmu medjatiku fost il-poplu Ukren; iħeġġeġ lill-gvernijiet ċentrali u lokali tal-Ukrajna jkomplu jrawmu kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili, inkluż billi jipprovdu aktar appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-appoġġ għal dawn l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-programm “Faċilità tas-Soċjetà Ċivili” li jinkludi EUR 20 miljun, li se jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ħajja pubblika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukreni, fid-dawl ta' diversi abbozzi ta' liġi dwar il-funzjonament u l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u assoċjazzjonijiet oħra, ma jadottaw l-ebda liġi li mhijiex konformi mal-obbligi nazzjonali u internazzjonali tal-Ukrajna dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jiggarantixxu l-funzjonament tas-soċjetà ċivili mingħajr indħil indebitu;

o

o o

141.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukrajna u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 116.

(3)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0167.

(5)  ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31.

(6)  CM/Rec(2010)5, disponibbli fis-sit https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectID=09000016805cf40a

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/110


P9_TA(2021)0051

Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (2020/2818(RSP))

(2021/C 465/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħha,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2017, u b'mod partikolari l-prinċipji 1 “edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja”, u 4 “appoġġ attiv għall-impjiegi” tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1974 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2020)0121) u (SWD(2020)0122),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020)0275),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni” (COM(2020)0625) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2020)0212),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027. Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali”, (COM(2020)0624) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2020)0209),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu “Digital Economy and Society Index (DESI) 2020 Human capital” (Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) 2020 Kapital uman) (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102) li tiddikjara li “it-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali se jaffettwaw kull parti tal-ekonomija, is-soċjetà u l-industrija tagħna”, “industrija kompetittiva tiddependi minn li tirrekluta u li żżomm forza tax-xogħol kwalifikata”, u li tipprevedi li “fil-ħames snin li ġejjin biss, 120 miljun Ewropew se jkollhom jaġġornaw il-ħiliet tagħhom jew jitħarrġu mill-ġdid”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640) li tiddikjara li sabiex isir possibbli t-tibdil kollu msemmi fil-komunikazzjoni “huma meħtieġa taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta' aġġornament proattivi biex wieħed jaħsad il-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ ta' aġġornament bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta' appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2019 dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġjati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2017 dwar Intejbu l-Ħiliet tan-Nisa u l-Irġiel fis-Suq tax-Xogħol tal-UE (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE (6),

wara li kkunsidra l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020),

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta' Mejju 2020 dwar “Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati” (Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Kroata),

wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar “Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta' għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara) (7),

wara li kkunsidra l-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (8),

wara li kkunsidra r-riċerka tal-Eurofound dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-użu tal-ħiliet u l-iżvilupp tal-ħiliet (9),

wara li kkunsidra l-istudju tas-Cedefop bit-titolu “Empowering adults through upskilling and reskilling pathways” (Tisħiħ tal-pożizzjoni tal-adulti permezz ta' perkorsi ta' taħriġ ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid), il-volumi 1 u 2,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Cedefop bit-titolu “Skills forecast – trends and challenges to 2030” (Tbassir tal-ħiliet – xejriet u sfidi għall-2030) (10),

wara li kkunsidra l-Panorama ta' Ħiliet tas-Cedefop (11) u l-Indiċi Ewropew tal-Ħiliet (12),

wara li kkunsidra l-istudju STOA bit-titolu “Rethinking education in the digital age” (Ir-reviżjoni tal-edukazzjoni fl-era diġitali) (13),

wara li kkunsidra l-bażi ta' data Skills for Jobs tal-OECD (14),

wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD bit-titolu “Getting Skills Right. Increasing Adult Learning Participation. Learning from successful reforms” (Fokus fuq il-Ħiliet it-Tajbin. Żieda fil-Parteċipazzjoni fit-Tagħlim għall-Adulti. Tagħlim minn riformi li rnexxew) (15),

wara li kkunsidra n-nota ta' politika tal-OECD tal-10 ta' Lulju 2020, bit-titolu “Skill measures to mobilise the workforce during the COVID-19 crisis” (Miżuri għall-ħiliet biex tiġi mmobilizzata l-forza tax-xogħol matul il-kriżi tal-COVID-19) (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2020 dwar il-futur tal-edukazzjoni Ewropea fil-kuntest tal-COVID-19 (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar ir-Rinforz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2018 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-UE (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tqabbil tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod ta' rkupru mill-kriżi (22),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (O-000006/2021 – B9-0004/2021),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

A.

billi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, flimkien max-xejriet demografiċi u l-globalizzazzjoni qed ibiddlu n-natura tax-xogħol, il-kontenut tal-impjiegi u l-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa għalihom; billi t-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid se jkunu kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet iġġenerati mix-xejriet makro li qed jaċċelleraw, u se jkunu essenzjali biex jiġi indirizzat id-distakk dejjem akbar fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol tal-UE;

B.

billi l-“Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” tikkonforma bis-sħiħ mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b'mod partikolari mal-ewwel prinċipju tiegħu, li jistabbilixxi li “kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tranżizzjonijiet b'suċċess fis-suq tax-xogħol”;

C.

billi l-edukazzjoni fl-era diġitali tinkludi l-edukazzjoni diġitali formali iżda wkoll l-edukazzjoni informali u mhux formali fil-ħiliet tekniċi, personali u taċ-ċittadinanza tul il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

D.

billi s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ formali qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex iwieġbu għall-firxa sħiħa ta' ħtiġijiet u domandi individwali u soċjali f'dinja li dejjem qed tinbidel;

E.

billi l-kriżi tal-COVID-19 biddlet id-dinja tax-xogħol, aċċellerat is-sensji u l-obsolexxenza ta' ħafna impjiegi, enfasizzat l-importanza tal-ħiliet diġitali u l-kompetenza diġitali, żiedet id-distakk diġitali, u rrinforzat il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward taż-żieda drammatika fil-ħtieġa ta' ħiliet diġitali u teknoloġiċi kif ukoll ħiliet personali bħar-reżiljenza u l-adattabilità; billi dawn il-ħtiġijiet se jkunu saħansitra aktar urġenti bl-użu aktar mifrux tal-intelliġenza artifiċjali (IA), li tista' tibdel kompletament il-mudelli tax-xogħol u tissostitwixxi xi tipi ta' attivitajiet; billi l-pandemija fixklet l-attivitajiet edukattivi u ta' taħriġ, filwaqt li affettwat b'mod partikolari lill-istudenti tal-VET, u wasslet għal żieda fil-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ li qed jitħabtu biex jagħmlu tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol; billi l-lockdown infurzat matul il-kriżi tal-COVID-19 ipprovda l-opportunità biex il-ħaddiema jaġġornaw il-ħiliet tagħhom;

F.

billi l-kompetenzi ewlenin huma kruċjali fis-soċjetà tal-għarfien u f'kuntest ta' tagħlim tul il-ħajja, peress li jiggarantixxu aktar flessibbiltà fl-adattament għas-soċjetajiet u s-swieq tax-xogħol li qed jinbidlu;

G.

billi għad hemm bosta inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-ħiliet għal gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, kif ukoll bejn il-ġeneri, b'ċittadini li jkunu ġejjin minn sfondi etniċi differenti, persuni b'diżabilità jew nisa b'inqas probabbiltà li jkollhom l-opportunità li jitgħallmu ħiliet ġodda;

H.

billi jeħtieġ li individwi jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u bil-kapaċità li jadattaw malajr għad-domandi għal ħiliet li qed jinbidlu matul ħajjithom; billi minn 37 % sa 69 % tal-kompiti fl-UE jistgħu jiġu awtomatizzati f'ħafna setturi, li jwassal għal bidla sinifikanti fil-prestazzjoni (23); billi skont ir-riċerka tal-Eurofound, 28 % mill-ħaddiema jirrapportaw li għandhom il-ħiliet biex ilaħħqu ma' dmirijiet aktar impenjattivi;

I.

billi t-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid mhumiex biss responsabbiltà individwali iżda wkoll responsabbiltà soċjali, peress li livelli baxxi ta' ħiliet bażiċi u parteċipazzjoni baxxa tal-adulti f'attivitajiet ta' taħriġ inaqqsu l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom fis-suq tax-xogħol, jiġġeneraw inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u jikkontribwixxu għal livelli għoljin ta' faqar;

J.

billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet jippreżentaw sfidi importanti għas-suq tax-xogħol u għas-sistemi edukattivi tal-UE; billi hemm nuqqas enormi ta' ħiliet diġitali fost il-forza tax-xogħol, u 42 % miċ-ċittadini tal-UE għandhom nuqqas ta' ħiliet diġitali bażiċi (24); billi huma meħtieġa investimenti sinifikanti biex jiġi indirizzat id-distakk fil-ħiliet diġitali;

K.

billi l-ġenerazzjoni attwali ta' żgħażagħ għandha livell għoli ta' ħiliet; billi t-taħriġ tal-ħiliet, it-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid mhumiex l-unika soluzzjoni għan-nuqqas ta' impjiegi għaż-żgħażagħ; billi huma meħtieġa miżuri addizzjonali għall-impjiegi biex jiġi żgurat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli; billi x-xenarju tal-impjiegi qed jevolvi malajr, u huwa stmat li 65 % mit-tfal tal-lum li jibdew l-iskola primarja fl-aħħar mill-aħħar se jispiċċaw jaħdmu f'tipi ta' impjiegi kompletament ġodda li għadhom lanqas biss jeżistu (25); billi fl-2019 l-internet huwa diġà użat minn 85 % miċ-ċittadini, u 58 % biss kellhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi (26);

L.

billi l-ambizzjoni tal-Patt Ewropew biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u l-mira li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b'60 % sal-2030 se tfisser tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; billi dan se jkollu impatt fundamentali fuq is-setturi kollha tal-ekonomija, li jagħmel it-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol u l-fokus fuq ħiliet ekoloġiċi fil-perkorsi edukattivi kollha kruċjali biex tinkiseb tranżizzjoni ġusta li ma tħalli lil ħadd jaqa' lura;

M.

billi, minbarra l-ħiliet teknoloġiċi u diġitali, il-ħsieb kritiku huwa wieħed mill-ħiliet ewlenin li n-nies jeħtieġu fl-era diġitali; billi hemm ħtieġa ċara li jissaħħaħ il-ħsieb kritiku fost il-gruppi kollha taċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-potenzjal sħiħ tal-għodod diġitali u jiġu protetti mill-perikli tagħhom;

N.

billi s-sistemi ta' edukazzjoni moderni, innovattivi u inklużivi b'teknoloġiji diġitali fil-qalba tagħhom jinsabu f'pożizzjoni tajba biex iħejju ġenerazzjonijiet ġodda ta' professjonisti għall-isfidi u l-opportunitajiet fil-futur;

O.

billi l-aċċess ugwali għal miżuri ta' taħriġ tal-ħiliet, ta' taħriġ ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid ta' kwalità u inklużivi, kif ukoll għal informazzjoni dwar ir-riżorsi għall-ħiliet, konsulenza, taħriġ edukattiv u vokazzjonali għall-persuni kollha, inkluż għal gruppi vulnerabbli, anzjani u persuni li jgħixu f'żoni urbani żvantaġġati jew f'żoni u gżejjer rurali u remoti, huwa kruċjali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza; billi r-riċerka tal-Eurofound turi li żdiedet l-inugwaljanza fl-aċċess tal-ħaddiema għat-taħriġ (27);

P.

billi f'xi pajjiżi tal-UE l-ammont ta' ħin li t-tfal iddedikaw għal attivitajiet skolastiċi naqas bin-nofs matul il-kriżi tal-COVID-19; billi l-għeluq ta' istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, anke jekk temporanju, jista' jkollu konsegwenzi sinifikanti għall-istudenti, iħalli impatt negattiv fuq l-eżiti tat-tagħlim u jżid l-inugwaljanzi eżistenti;

Q.

billi, għall-kuntrarju tas-sistema skolastika obbligatorja, it-tagħlim għall-adulti huwa impenn volontarju magħmul minħabba motivazzjoni personali jew professjonali, li jirrappreżenta aktar sfida għall-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

R.

billi ħiliet aġġornati jagħmluha aktar faċli għan-nies biex jibqgħu impjegati fis-suq tax-xogħol u biex jiġu inklużi soċjalment, li huwa fundamentali wkoll għas-saħħa mentali u għall-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tagħna;

S.

billi ma jeżistux ħiliet differenti skont is-sess tal-persuna, iżda hemm differenzi bejn il-ġeneri f'termini ta' għażliet u żvilupp tal-karriera;

T.

billi l-politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri; billi l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ, fil-koordinazzjoni u fl-ikkomplementar tal-azzjonijiet tal-Istati Membri f'dawn l-oqsma; billi sfidi ġodda jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta' għodod Ewropej u politiki ta' appoġġ fi ħdan iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; billi programmi tal-Unjoni bħall-Erasmus+, il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom rwol importanti fit-taħriġ ta' aġġornament taż-żgħażagħ;

U.

billi, madankollu, it-teknoloġiji diġitali għandhom jitqiesu bħala għodod li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità; billi fil-futur se jkun hemm ħtieġa akbar ta' ħiliet diġitali (kodifikazzjoni, loġistika u robotika) – li se jikkonċernaw mhux biss il-korsijiet tal-edukazzjoni tal-IT iżda se jolqtu l-kurrikulu kollu kemm hu;

V.

billi l-opportunitajiet ta' taħriġ u żvilupp tal-ħiliet abilitati diġitalment għandhom jiġu esplorati aħjar u ffaċilitati, pereżempju taħriġ online għal gruppi vulnerabbli jew persunal ta' SMEs li jeħtieġu l-għoti ta' taħriġ aktar flessibbli f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u l-korpi reġjonali responsabbli;

W.

billi r-rati ta' parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fl-Ewropa għat-tfal taħt it-3 snin għadhom taħt 33 % f'nofs il-pajjiżi tal-UE (28);

X.

billi, skont il-Eurofound, l-implikazzjonijiet għal ħiliet relatati mal-użu ta' mudelli ta' negozju abilitati diġitalment, bħal xogħol fuq pjattaforma diġitali, għandhom jiġu esplorati aħjar u indirizzati strateġikament, kemm bl-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-eliminazzjoni tal-ħiliet, jew permezz tal-iżvilupp ta' ħiliet bħal ħiliet trasversali u intraprenditorjali;

Y.

billi fl-2019, 10,2 % minn dawk ta' bejn it-18 u l-24 sena fl-UE kienu kkompletaw mhux aktar minn edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell u ma kinux qed ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu (persuni li telqu kmieni mill-iskola) (29);

Z.

billi ilu rikonoxxut ir-rwol importanti li għandu t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol għall-użu u l-iżvilupp tal-ħiliet; l-ECS 2019 juri li hija minoranza biss ta' organizzazzjonijiet li tgħaqqad b'mod koerenti l-prattiki fuq il-post tax-xogħol li jottimizzaw l-użu tal-ħiliet u jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet;

AA.

billi fl-2017, 72 % mill-għalliema fl-Ewropa kienu nisa; billi 9 % mill-għalliema li jaħdmu fl-UE kellhom inqas minn 30 sena, filwaqt li 36 % kellhom 50 sena jew aktar (30);

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, li tqiegħed il-ħiliet fil-qalba tal-aġenda tal-politika tal-UE u tiżgura li d-dritt għal taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi għal kulħadd u fl-oqsma u s-setturi kollha, minqux fl-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, isir realtà madwar l-Unjoni;

2.

Jilqa' t-12-il azzjoni emblematika stipulati fil-komunikazzjoni kif ukoll l-objettivi kwantitattivi li għandhom jintlaħqu sal-2025; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aċċessibbiltà wiesgħa għat-taħriġ tal-ħiliet u t-taħriġ ta' aġġornament għal gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilità, adulti b'livell baxx ta' ħiliet, minoranzi, inklużi r-Rom, kif ukoll persuni bi sfond ta' migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar kif jista' jiġi implimentat dan id-dritt, u biex tintroduċi mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' azzjoni nazzjonali u jippreżentaw rapporti nazzjonali regolari dwar kif dan id-dritt qed jiġi żgurat;

3.

Jenfasizza l-importanza ta' aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għal ħaddiema f'industriji u f'setturi li jeħtieġ li jwettqu bidliet fundamentali fid-dawl ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jenfasizza li l-kwalifiki u l-kompetenzi ċċertifikati jipprovdu valur miżjud lill-ħaddiema, itejbu l-pożizzjonijiet tagħhom fis-suq tax-xogħol, u jistgħu jiġu trasferiti fi tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol; jitlob li l-politika pubblika dwar il-ħiliet tkun orjentata lejn ir-rikonoxximent, iċ-ċertifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kwalifiki u tal-kompetenzi;

4.

Jissottolinja li l-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja huma vitali għat-tkabbir sostenibbli, il-produttività, l-investiment u l-innovazzjoni, u għalhekk huma fatturi ewlenin għall-kompetittività tan-negozji, speċjalment l-SMEs; jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-atturi rilevanti kollha involuti fl-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi s-sħab soċjali u l-livelli kollha tal-gvern, huma kruċjali biex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jakkwista l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jinġabru data, informazzjoni u tbassir aġġornati rigward il-ħtiġijiet u d-domanda fis-suq tax-xogħol, inkluż fil-livell lokali; jappoġġja t-tnedija tal-Patt għall-Ħiliet, bl-għan li jissaħħu l-azzjonijiet imwettqa minn kumpaniji għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa; jitlob li l-Patti lokali għall-Ħiliet jilħqu aħjar lill-persuni minn setturi milquta l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19 u jgħinuhom jiksbu kwalifiki mill-ġdid biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol;

5.

Ifakkar li l-immodernizzar tas-sistemi vokazzjonali, edukattivi u ta' taħriġ huwa kruċjali biex iż-żgħażagħ u l-adulti jitħejjew għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-ħaddiema ta' età medja u dawk f'età aktar avvanzata jżommu u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jissalvagwardjaw l-impjegabbiltà u jestendu l-ħajja tax-xogħol; ifakkar, barra minn hekk, li din il-modernizzazzjoni hija kruċjali għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal “Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”; jisħaq li l-programmi tal-VET iridu jkunu mmirati, orjentati lejn il-futur, aċċesibbli, permeabbli, interkonnessi fil-livell tal-UE, u ffukati fuq l-istudenti, jippermettu perkorsi individwali flessibbli, jipprovdu lill-istudenti tal-VET u lill-għalliema b'sett ta' ħiliet biex isiru ċittadini attivi u demokratiċi, u biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà; ifakkar li l-modernizzazzjoni tal-programmi tal-VET trid timxi id f'id ma' żieda fl-attraenza tagħhom, sabiex aktar żgħażagħ jagħżlu li jidħlu għalihom; jenfasizza l-importanza tal-aħjar prattiki relatati mas-sistemi ta' edukazzjoni doppja u l-VET li jistgħu jikkontribwixxu għal bidliet strutturali fis-suq tax-xogħol u jwasslu għal livelli ogħla ta' impjieg taż-żgħażagħ;

6.

Jemmen li l-apprendistati jistgħu jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward, billi jħejju liż-żgħażagħ għal impjiegi li għalihom hawn domanda kbira, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-UE għall-promozzjoni tal-VET u biex iħeġġu lill-impjegaturi biex joħolqu programmi ta' internship u apprendistat imħallsa għall-istudenti ta' skejjel vokazzjonali, kif ukoll jorganizzaw kompetizzjonijiet u kampjonati industrijali għalihom; iħeġġeġ lill-kumpaniji biex jiżguraw it-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom u biex isaħħu l-forniment ta' apprendistati f'konformità mal-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships u mal-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi; jappella f'dan ir-rigward biex il-Kummissjoni tirrieżamina l-istrumenti Ewropej eżistenti bħall-Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati u l-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi, u biex iddaħħal kriterji ta' kwalità għal proposti, inkluż il-prinċipju ta' remunerazzjoni ġusta għat-trainees u l-interns, aċċess għall-protezzjoni soċjali, impjieg sostenibbli u drittijiet soċjali; jisħaq li dawn il-kriterji jiżguraw it-tranżizzjoni tat-trainees u l-apprendisti lejn impjieg stabbli u ta' kwalità, u jgħinu jiżguraw opportunitajiet ibbilanċjati bejn il-ġeneri għal persuni fis-setturi kollha, kif ukoll opportunitajiet li joffru sigurtà fit-tul, protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali u deċenti, u li ma jikkontribwixxux għall-ħolqien ta' impjieg prekarju;

7.

Ifakkar li l-ħiliet vokazzjonali huma wieħed mill-motivaturi tal-ekonomija Ewropea, u jitlob li jkun hemm korrelazzjoni bejn l-edukazzjoni konvenzjonali u l-VET, fejn l-iżvilupp tal-ħiliet fil-VET, kemm bħala fokus ċentrali jew bħala parti komplementari mill-għażliet disponibbli kemm għall-istudenti kif ukoll għall-adulti, jista' jagħti spinta lill-opportunitajiet disponibbli għal persuni li qed ifittxu impjieg, irawwem il-mobbiltà professjonali u jtejjeb ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;

8.

Jagħti parir lill-Kummissjoni biex tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li jikkorrelataw il-VET mal-Aġenda għall-Ħiliet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetenzi nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, b'fokus fuq it-titjib tal-gwida bikrija dwar il-karrieri tal-VET u l-massimizzazzjoni tal-għadd ta' opportunitajiet li ż-żgħażagħ Ewropej ikollhom biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom; jilqa', f'dan l-aspett, l-input ipprovdut dwar is-suġġett mis-Cedefop u mill-Eurofound;

9.

Jissottolinja l-importanza kbira li jingħata appoġġ attiv lill-għalliema u lill-ħarrieġa billi jiġi adottat pakkett ta' politika effettiv biex jiġi żgurat li dawn ikunu mħejjija u aġġornati sew fil-ħiliet għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet edukattivi; jemmen li t-trade unions edukattivi jridu jkunu involuti fid-definizzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa li għandhom jinkisbu mill-għalliema u l-ħarrieġa fi ħdan l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jemmen li l-investimenti fl-edukazzjoni pubblika jridu jiżdiedu b'mod konsiderevoli u li d-djalogu soċjali mat-trade unions jrid ikun pilastru ewlieni biex jiġu ggarantiti salarji u pensjonijiet adegwati, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-professjonisti fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

10.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li, bl-involviment tas-sħab soċjali, tittejjeb is-sistema ta' antiċipazzjoni tal-ħiliet biex jiġu identifikati aħjar il-bidliet emerġenti fil-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet, jingħataw ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-impjieg fejn meħtieġ, u jiġu minimizzati r-restrizzjonijiet fil-ħiliet u l-iżbilanċi fil-ħiliet; jilqa' f'dan ir-rigward l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni biex tittejjeb l-informazzjoni dwar il-ħiliet; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u tal-analiżi tal-big data għall-informazzjoni dwar il-ħiliet fid-definizzjoni ta' profili tal-impjiegi ġodda għandha tiġi mmonitorjata regolarment u sistematikament biex jiġu evitati l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni diretta u indiretta, u li għandhom jiġu żgurati miżuri korrettivi; jissottolinja li t-tisħiħ tal-gwida dwar il-karrieri minn età bikrija u l-aċċess ugwali għall-informazzjoni u l-appoġġ għall-istudenti u l-istudenti adulti jistgħu jgħinu fl-għażla ta' perkorsi edukattivi u vokazzjonali xierqa li jwasslu għal opportunitajiet ta' impjieg li jaqblu mal-interessi, mat-talent u mal-kompetenzi tagħhom, u b'hekk jonqos in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi soċjali biex jiġu identifikati u appoġġjati persuni li jkunu tilfu xogħolhom reċentement jew li jinsabu f'riskju li jitilfu xogħolhom; jissottolinja l-importanza tal-gwida tul il-ħajja fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għal gwida ta' kwalità;

11.

Jilqa' r-rakkomandazzjoni biex l-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' twissija bikrija bl-għan li jidentifikaw żgħażagħ f'riskju li jsiru NEETs (barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ); huwa konvint li azzjonijiet preventivi, bħal valutazzjonijiet tal-ħiliet u gwida għall-karriera u vokazzjonali li jiffukaw fuq għajnuna mogħtija lil dawk li jitilqu kmieni mill-iskola biex jidħlu f'impjieg jew edukazzjoni qabel jisfaw qiegħda, jekk jitwettqu kif xieraq flimkien mal-forniment ta' edukazzjoni ġenerali inklużiva u mhux diskriminatorja, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-għadd ta' NEETs fuq terminu twil;

12.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata spinta lir-rwol tas-sħab soċjali billi jiġi żgurat li l-politika dwar il-ħiliet tħeġġeġ ftehimiet kollettivi fir-rigward tad-definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-ħiliet u t-taħriġ kontinwu, billi ssir konsultazzjoni mas-sħab soċjali dwar il-kompetenzi meħtieġa u l-aġġornament tal-kurrikuli tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, u billi jitfassal b'mod konġunt mar-rappreżentanti tal-ħaddiema taħriġ fuq il-post tax-xogħol li jkun adattat għall-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi indikatur dwar id-diskrepanzi fil-ħiliet fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali, f'konformità mal-għanijiet u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jista' jkun utli għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali biex jidentifikaw fejn ikunu meħtieġa aktar sforzi u biex jikkoordinaw aħjar fil-livell tal-UE, filwaqt li jittraċċaw l-evoluzzjonijiet u l-progress tad-diskrepanzi fil-ħiliet, u jinċentivaw konverġenza 'l fuq fost l-Istati Membri;

14.

Huwa tal-fehma li jrid jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tal-eżiti tat-tagħlim, tad-diplomi, tat-taħriġ, tal-kwalifiki professjonali u tal-ħiliet miksuba fi Stat Membru ieħor, u li dan jgħin biex jingħelbu n-nuqqasijiet ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet; jemmen li dan jippermetti wkoll li l-adulti jiksbu kwalifiki sħaħ, irawwem il-mobbiltà, jagħmel is-suq tax-xogħol tal-UE aktar integrat u reżiljenti, u jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti u r-rikonoxximent transfruntier tal-kwalifiki permezz ta' użu aħjar minn għodod bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-CV tal-Europass, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta' Krediti (ECVET), il-Panorama ta' Ħiliet, l-ESCO jew il-EURES, eċċ.; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ksib taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025;

15.

Jenfasizza li ħafna ċittadini jiksbu ħiliet u esperjenza siewja barra mis-sistema tal-edukazzjoni jew it-taħriġ formali, kif inhu pereżempju l-każ ta' indukraturi informali li jipprovdu kura lill-persuni b'diżabilità jew lill-anzjani; jemmen li dawn il-ħiliet informali għandhom jiġu rikonoxxuti, billi jistgħu jgħinu lill-indukraturi informali biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

16.

Jitlob li tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali, billi l-qafas ta' taħriġ komuni inkluż fiha jista' jżid l-għadd ta' professjonisti li jibbenefikaw mis-sistema ta' rikonoxximent awtomatiku, u jappoġġja l-korrelazzjoni tagħha mal-iżvilupp mill-Kummissjoni Ewropea ta' Passaport tal-Ħiliet tal-UE diġitali u pan-Ewropew;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex iżommu lill-istudenti barranin wara li jiggradwaw mill-universitajiet tal-UE; jisħaq li l-għoti ta' aċċess lill-gradwati għall-mobbiltà intra-UE u viża valida għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg jista' jżid l-attraenza tal-UE kollha kemm hi;

18.

Jitlob li tiġi żblukkata l-proposta attwali tal-Karta Blu sabiex il-kumpaniji Ewropej jingħataw il-kompetenzi meħtieġa biex jibqgħu jew isiru kompetittivi;

19.

Josserva li l-pandemija tal-COVID-19 aċċentwat l-importanza kemm tal-ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll dawk avvanzati, kif ukoll ta' sistemi edukattivi reżiljenti u l-kapaċità tagħhom li jaġġustaw bejn il-metodi ta' tagħlim personali, mill-bogħod u online, u ibridi; josserva wkoll li l-pandemija tal-COVID-19 bidlet id-domanda għall-ħiliet fis-suq tax-xogħol, u b'hekk żiedet id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali u aggravat l-inugwaljanzi u d-defiċits preeżistenti fl-edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li kull ċittadin ikollu mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi u li speċjalisti b'livell għoli ta' ħiliet jiġu mħarrġa u mgħammra b'ħiliet diġitali avvanzati u b'mentalità innovattiva u intraprenditorjali;

20.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għad hemm disparitajiet bejn il-ġeneri fl-aċċess tan-nisa għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (31); jissottolinja li l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw in-nisa jinkludu ostakli għall-edukazzjoni u t-taħriġ fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika), restrizzjonijiet soċjokulturali u ekonomiċi, speċjalment f'ekonomiji rurali u informali, u nuqqas sinifikanti fil-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs tan-nisa biex jagħżlu professjonijiet li ħafna drabi jkunu ddominati mill-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ networks ta' mentoraġġ, u b'hekk tippermetti aktar mudelli eżemplari femminili biex in-nisa jitħeġġu jagħmlu għażliet alternattivi għal impjiegi tradizzjonalment sterjotipati fir-rigward tal-ġeneri (32); jitlob li jiġu evitati l-istereotipi u l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru permezz tat-taħriġ, billi dawn huma marbuta mal-impjegabbiltà u joħolqu ċirku vizzjuż, u b'hekk jipperpetwaw segregazzjoni qawwija tax-xogħol; jisħaq li 90 % mill-impjiegi jirrikjedu ħiliet diġitali bażiċi, u n-nisa jirrappreżentaw biss 17 % mill-persuni f'korsijiet u karrieri tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-UE (33) u 36 % biss mill-gradwati STEM (34), minkejja l-fatt li l-bniet imorru aħjar mis-subien fil-litteriżmu diġitali (35);

21.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tal-iżvilupp tal-ħiliet fl-indirizzar tal-preġudizzju bejn il-ġeneri u fl-appoġġ mogħti lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jitlob sforzi akbar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew biex dan l-iżbilanċ bejn il-ġeneri jitkisser u biex jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jaċċessaw tagħlim u taħriġ ta' kwalità tul il-ħajja, inkluż wara perjodi ta' assenza għal raġunijiet ta' kura; jenfasizza l-ħtieġa ta' proċessi ta' reklutaġġ u għażla sensittivi għall-ġeneru fis-settur privat u dak pubbliku, u b'mod partikolari f'setturi orjentati lejn il-futur, bħal STEM u s-settur diġitali fejn in-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed; jenfasizza f'dan ir-rigward li d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru hija dannuża mhux biss għall-individwu affettwat iżda wkoll għas-soċjetà kollha kemm hi; ifakkar li jridu jittieħdu miżuri sabiex l-impatt tal-kriżi ma jaggravax l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, filwaqt li jiġi mmitigat l-impatt sproporzjonat u dejjiemi fuq id-drittijiet tan-nisa, id-dħul u l-protezzjoni soċjali, u jiġu evitati aktar inugwaljanzi u diskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-ġeneru, it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, u d-distribuzzjoni inugwali ta' xogħol domestiku u ta' kura mhux imħallas;

22.

Jissottolinja li l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd huma kruċjali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmluha prijorità li jnaqqsu d-distakk fil-ħiliet diġitali, billi jiżguraw li r-reġjuni vulnerabbli u ċ-ċittadini fil-bżonn, kif ukoll dawk fir-riskju ta' esklużjoni soċjali, inklużi l-persuni b'diżabilità jew dawk li ġejjin minn minoranzi etniċi, ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, il-hardware minimu meħtieġ, aċċess wiesa' għall-internet, u appoġġ diġitali u għodod oħra ta' tagħlim teknoloġiku; jissottolinja li jrid jingħata appoġġ lil dawn il-kategoriji biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali meħtieġa biex jirnexxu u biex jiġu evitati inugwaljanzi dejjem aktar profondi, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa' lura;

23.

Josserva b'interess kbir l-opportunitajiet u l-isfidi pprovduti mill-firxa ta' soluzzjonijiet diġitali bħat-telexogħol, li għalihom huwa kruċjali l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali; ifakkar l-importanza ta' qafas leġiżlattiv Ewropew li jkollu l-għan li jirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol u d-dritt għall-iskonnessjoni madwar l-Unjoni, kif ukoll li jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' impjieg deċenti fl-ekonomija diġitali mmotivati mill-akkwist ta' ħiliet ġodda;

24.

Jisħaq fuq il-bosta opportunitajiet li x-xogħol diġitali joffri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, inklużi impjegati qrib l-età tal-irtirar, u biex tiżdied l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità; Jesprimi dispjaċir għall-fatt li persuni b'diżabilità għadhom żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, u li spiss in-nuqqas ta' aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħriġ jista' jkun responsabbli għall-esklużjoni tagħhom mis-suq tax-xogħol; jitlob li jkun hemm fokus partikolari mill-Kummissjoni, fir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri, fuq modi ta' titjib tal-aċċess ta' persuni b'diżabilità għal taħriġ diġitali tal-ħiliet jew għal taħriġ mill-ġdid diġitali, b'koordinazzjoni mal-ħtiġijiet il-ġodda tal-ekonomija diġitali globali emerġenti;

25.

Josserva li fil-kuntest taż-żieda fit-telexogħol, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jpoġġu l-ħiliet li jrawmu dan il-mod ġdid ta' xogħol fiċ-ċentru tal-istrateġiji tagħhom; jissottolinja li t-tele-edukazzjoni u t-tele-skejjel joħolqu sfidi kemm għall-edukaturi kif ukoll għar-riċevituri tal-edukazzjoni, u li l-ħiliet meħtieġa biex jitwasslu t-tele-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħarrieġa u tal-edukaturi huma prijorità fuq terminu qasir għall-Ewropa f'dan iż-żmien;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-offerta ta' taħriġ għall-ħaddiema li jirċievu benefiċċji għal xogħol b'ħinijiet iqsar jew għal qgħad parzjali, inkluż permezz tal-iskema SURE; jistieden lill-Istati Membri joffru miżuri ta' taħriġ xierqa għall-ħaddiema affettwati;

27.

Jistieden lill-impjegaturi jadattaw il-prattiki fuq il-post tax-xogħol li jikkapitalizzaw fuq il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta' fokus fuq l-edukazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' maniġers fuq kwistjonijiet rigward l-użu ta' prattiki organizzattivi li jistimulaw l-użu u l-iżvilupp tal-ħiliet, kif ukoll fuq is-sostenn tal-gvernijiet nazzjonali u s-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' networks u strutturi ta' appoġġ biex jagħtu pariri lill-organizzazzjonijiet dwar l-aktar kombinamenti xierqa ta' prattiki fuq il-post tax-xogħol għaċ-ċirkustanzi tagħhom;

28.

Jitlob li jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent, il-validazzjoni u l-portabbiltà tal-kisbiet fil-qasam tat-tagħlim mhux formali u informali, inklużi dawk żviluppati f'forom ta' impjieg abilitati diġitalment bħal xogħol fuq pjattaforma diġitali;

29.

Jitlob miżuri Ewropej nazzjonali, reġjonali u lokali immedjati u kuraġġużi, mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u riżorsi biex il-ħiliet diġitali jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat livell għoli ta' qari u ta' ħiliet matematiċi fost l-istudenti, fejn il-ħiliet diġitali, l-għodod tal-IT u l-aċċess għall-internet isiru disponibbli għal kulħadd, jittejbu l-ħiliet diġitali tal-għalliema u l-ħarrieġa, u l-iskejjel, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ, il-fornituri tal-VET u l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti u l-universitajiet jiġu mgħammra bi pjattaformi ta' tagħlim online pubbliċi u indipendenti, b'teknoloġiji oħra u bl-infrastruttura diġitali meħtieġa li tippermetti t-tagħlim online u mill-bogħod, kif ukoll it-tagħlim imħallat; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' approċċ ġenwin ta' tagħlim tul il-ħajja; jappoġġja l-azzjonijiet ippjanati mill-Kummissjoni kif stipulati fl-Aġenda għall-Ħiliet u fil-Pjan għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, u jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jissottolinja l-importanza ta' inċentivi għall-iżvilupp ta' kontenut ta' tagħlim diġitali u ta' moduli tal-kurrikuli ewlenin f'konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'enfasi fuq il-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, inkluż permezz ta' pjattaformi ta' taħriġ online;

30.

Jiddeplora l-fatt li fl-Ewropa għad hemm tfal mingħajr aċċess għall-edukazzjoni, kif ukoll studenti mingħajr aċċess jew aċċess adegwat għall-edukazzjoni diġitali minħabba nuqqas ta' tagħmir diġitali, software jew konnessjoni tal-internet, jew inkella dawn ikunu inadegwati; itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-konnettività fil-livelli kollha, b'mod partikolari f'żoni rurali u remoti fejn spiss tkun nieqsa, u li jiżdied l-aċċess għat-tagħmir diġitali; jiġbed l-attenzjoni għall-innovazzjoni mill-aktar avvanzata f'kompjuters, tablets u software edukattivi fl-Ewropa;

31.

Jissottolinja li l-konsegwenzi tal-COVID-19 joffru opportunità unika biex tiġi aċċellerata r-rivoluzzjoni diġitali u teknoloġika fit-tagħlim tul il-ħajja, li tista' tkisser l-ostakli fiżiċi, fejn possibbli, u żżid b'mod sinifikanti l-ilħuq u l-impatt tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-edukazzjoni biex iżidu l-opportunitajiet ta' tagħlim mingħajr post, li jippermetti li studenti f'żoni remoti u rurali jew inkella barra mill-pajjiż jaċċessaw korsijiet madwar l-UE mingħajr restrizzjonijiet ta' lok;

32.

Jisħaq li għandhom jiġu żviluppati u implimentati miżuri Ewropej u nazzjonali, inklużi programmi edukattivi u investimenti mmirati, bl-għan aħħari li tiġi żgurata t-tħejjija taċ-ċittadini għal impjiegi futuri li jirrikjedu ħiliet diġitali, u dan sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tat-tranżizzjoni diġitali fis-suq tax-xogħol tal-UE u jkun possibbli li l-kumpaniji jagħmlu użu sħiħ mill-metodi ta' ħidma ġodda, bħat-telexogħol;

33.

Jindika l-ħtieġa li tiġi ċċarata aktar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u l-ambizzjoni tagħha li tistabbilixxi standards għall-edukazzjoni għolja fl-UE; itenni li kooperazzjoni ta' suċċess bejn l-universitajiet dejjem kienet tiddependi minn approċċ minn isfel għal fuq, mill-indipendenza u mill-eċċellenza akkademika, u li l-proċess ta' Bolonja huwa għodda importanti għall-kooperazzjoni universitarja fl-UE u lil hinn minnha;

34.

Josserva li t-tranżizzjoni ekoloġika hija motivatur importanti tad-domanda għall-ħaddiema fis-setturi kollha u tista' toħloq miljuni ta' impjiegi; ifakkar li tranżizzjoni b'suċċess lejn ekonomija ekoloġika jeħtieġ li timxi id f'id ma' miżuri ta' taħriġ tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u taħriġ ta' aġġornament biex jiġu żviluppati l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa minn ekonomija ekoloġika; jilqa' f'dan ir-rigward l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġi appoġġjat l-akkwist ta' ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika; jitlob azzjoni rapida biex jiġu evitati restrizzjonijiet fil-ħiliet f'dan il-qasam u biex l-UE tkun tista' tibqa' mexxejja globali fl-ekonomija ekoloġika; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jintegraw l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetenzi u l-ħiliet ambjentali fis-sistemi ta' taħriġ u edukattivi;

35.

Jenfasizza li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema hija waħda mill-għodod prinċipali għall-iskambju tal-ideat u tal-aħjar prattiki, kif ukoll għaż-żieda fil-kwalità tat-taħriġ fil-ħiliet madwar l-Unjoni; jinsisti li din il-mobbiltà għandha tkun aċċessibbli u inklużiva; josserva li, filwaqt li l-mobbiltà fiżika dejjem għandu jkollha rwol primarju, it-tagħlim virtwali se jsir dejjem aktar importanti bħala komplement, u kif jidher mill-miżuri tal-COVID-19, anke bħala sostitut in extremis;

36.

Josserva li l-ħiliet kreattivi u artistiċi huma essenzjali għall-ekonomija, u jitlob l-introduzzjoni ta' approċċ aktar orizzontali fl-Aġenda għall-Ħiliet sabiex dawn jiġu inklużi fil-kurrikuli kollha;

37.

Jisħaq li l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet tirrikjedi finanzjament xieraq fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali; jistenna li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u Next Generation EU jipprovdu riżorsi miżjuda b'mod sinifikanti għall-iżvilupp tal-ħiliet; ifakkar li r-responsabbiltà prinċipali għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid hija tal-Istati Membri u tal-kumpaniji, u għalhekk jappella biex l-Istati Membri jinvestu aktar fil-baġits għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-edukazzjoni, billi investiment importanti fil-kapital uman huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza;

38.

Jissottolinja l-importanza ta' programmi u strumenti bħal Erasmus+, Orizzont Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, Ewropa Kreattiva, il-Programm Ewropa Diġitali u l-Garanziji għaż-Żgħażagħ u t-Tfal fl-appoġġ mogħti liż-żgħażagħ u lill-adulti biex jiksbu l-kompetenzi ġodda u l-ħiliet ta' kwalità meħtieġa fl-ekonomija diġitali u ekoloġika u fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll fl-għoti ta' opportunitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim; jitlob li l-potenzjal ta' dawn il-programmi jiġi esplorat b'mod kontinwu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex titrawwem korrelazzjoni permanenti tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

39.

Jenfasizza l-opportunitajiet potenzjali offruti mill-programm Erasmus+ speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti, u l-ħtieġa li tingħata spinta għall-baġit tiegħu għall-2021-2027;

40.

Jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ ta' aġġornament fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-FSE+ ikollhom biżżejjed finanzjament u li jappoġġjaw il-pjanijiet integrati fil-livell lokali biex jingħata għajnuna għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid, speċjalment għall-gruppi l-aktar vulnerabbli – inklużi persuni f'riskju li jsiru qiegħda – biex jiġi żgurat li kull persuna f'setturi vulnerabbli tku tista' terġa' tikkwalifika u tiżviluppa ħiliet ġodda biex tibqa' attiva fis-suq tax-xogħol u tibbenefika mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; jindika l-potenzjal ta' kontijiet individwali tal-apprendiment, mekkaniżmu ta' finanzjament ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet, bħala pass lejn intitolamenti universali għat-tagħlim tul il-ħajja;

41.

Jissottolinja li l-gwida vokazzjonali u għall-karriera hija kruċjali biex jiġu appoġġjati għażliet motivati u intelliġenti għall-karriera, u jiġi evitat li l-istudenti jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u mit-taħriġ, kif ukoll li l-appoġġ matul l-istudji u t-taħriġ huwa wkoll kruċjali għal perkors ta' tagħlim u żvilupp tal-ħiliet li jirnexxi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà ta' din il-gwida għaż-żgħażagħ li tkun tinkludi l-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali;

42.

Jissottolinja l-importanza għal investiment f'taħriġ formali u informali u fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jiġu żgurati taħriġ u tranżizzjonijiet tal-forza tax-xogħol ġusti, u l-promozzjoni tat-taħriġ u t-tagħlim matul il-ħinijiet tax-xogħol;

43.

Josserva li s-sors prinċipali ta' finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni huwa l-Fond Soċjali Ewropew+, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li dawn il-fondi jibqgħu disponibbli għal dan il-għan, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi;

44.

Jitlob li jiġu stabbiliti politiki dwar il-liv bi ħlas għall-edukazzjoni f'konformità mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni, li tippermetti li l-ħaddiema jattendu programmi ta' taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol u mingħajr spejjeż personali, sabiex jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja;

45.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' strateġiji ta' edukazzjoni, sensibilizzazzjoni, gwida u motivazzjoni, kif ukoll sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja, li jkunu ta' kwalità tajba u inklużivi, flessibbli u aċċessibbli għal kulħadd, sabiex jiġu promossi l-kompetittività fis-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs; jistieden lill-Kummissjoni u b'mod partikolari lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità, u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal programmi ta' kwalità għolja għall-iżvilupp tal-ħiliet għal studenti adulti, inklużi adulti b'livell baxx ta' kwalifiki u b'livell baxx ta' ħiliet, kif ukoll gruppi żvantaġġati u ċittadini vulnerabbli bħal persuni b'diżabilità, persuni anzjani, persuni mingħajr dar, NEETs u persuni bi sfond ta' migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet matul il-ħajja għall-benefiċċju individwali, ekonomiku u soċjali; iħeġġeġ l-involviment ta' partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni, inklużi s-servizzi soċjali, is-soċjetà ċivili u fornituri ta' edukazzjoni mhux formali, biex jiġu identifikati u jintlaħqu dawk li jkunu l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol; jissottolinja l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet lokali innovattivi biex jitqies mill-ġdid kif għandhom jiġu indirizzati d-diskrepanza fil-ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet;

46.

Jissottolinja li l-potenzjal tal-parteċipanti fl-edukazzjoni jista' jingħata spinta permezz tal-prattika, u f'dan il-kuntest jisħaq fuq l-importanza li tiżdied l-influwenza tal-impjegaturi fuq il-mudell għas-sistema ta' edukazzjoni vokazzjonali; jenfasizza li l-impjegaturi għandu jkollhom rwol importanti fl-għoti ta' opportunitajiet lill-għalliema u l-ħarrieġa, ta' internships fl-intrapriżi, u b'hekk jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-kompetenzi professjonali tal-għalliema u tal-ħarrieġa; jitlob kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-negozju u l-edukazzjoni fil-livelli kollha billi jiġu pprovduti programmi ta' internship u apprendistat fil-kumpaniji għall-istudenti tal-VET;

47.

Jisħaq fuq l-importanza li jintlaħqu persuni f'żoni rurali u remoti u li l-opportunitajiet għat-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid isiru aktar aċċessibbli u mfassla għall-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura, fis-sajd, fil-forestrija u f'impjiegi oħra f'dawn ir-reġjuni, kif ukoll li dawn jingħataw il-ħiliet ekoloġiċi, diġitali u dawk kollha meħtieġa biex jaħtfu aħjar l-opportunitajiet attwali u futuri offruti mill-ekonomija ekoloġika u blu, u biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-preservazzjoni tal-ambjent;

48.

Ifakkar li l-programmi barra mill-iskola u t-tagħlim mhux formali u informali, inklużi attivitajiet ta' volontarjat, huma importanti biex jiġu pprovduti opportunitajiet ta' tagħlim adattabbli u ħiliet u għarfien ġodda lill-maġġoranza tal-persuni li ma jistgħux jintlaħqu mill-edukazzjoni formali;

49.

Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim u li l-istatus soċjali għoli tal-għalliema jiġi ttrattat bħala direzzjoni strateġika għal azzjoni f'pajjiżi individwali tal-UE; jisħaq li l-attrazzjoni tal-aħjar kandidati għall-professjoni tat-tagħlim, flimkien mat-titjib tal-kwalifiki u t-taħriġ ta' aġġornament tal-għalliema esperjenzati għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

50.

Jissottolinja li l-kompetenza prinċipali għat-taħriġ ta' aġġornament u għat-taħriġ mill-ġdid hija tal-Istati Membri; jemmen li sabiex jinkisbu t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali, hemm opportunità u benefiċċju reali għall-iżvilupp ta' punt uniku ta' servizz pan-UE għall-ħiliet ta' teknoloġija avvanzata li jikkoordina l-aħjar prattika, it-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid ta' teknoloġija avvanzata mmexxija mill-industrija, u li jkun immotivat mid-data biex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet madwar l-UE;

51.

Jisħaq fuq l-importanza ta' ħiliet trażversali, interpersonali u interkulturali, minbarra ħiliet diġitali u tekniċi, fl-iżgurar ta' edukazzjoni sħiħa għall-individwi, fl-indirizzar tal-isfidi globali attwali u futuri, u fl-appoġġ mogħti lit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, li jagħmluhom aktar inklużivi u ġusti;

52.

Josserva l-azzjonijiet ippjanati mill-Kummissjoni biex tippromwovi l-Ħiliet għall-Ħajja, b'mod partikolari l-aġġornament tal-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tapprofondixxi din l-enfasi billi tintegra l-ħiliet għall-ħajja fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jisħaq li l-ħiliet għall-ħajja għandhom jiġu mifhuma wkoll barra mill-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jissottolinja li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess għal ħiliet għall-iżvilupp personali, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetajiet tal-lum li qed jinbidlu malajr; ifakkar li dan huwa partikolarment importanti biex tiġi appoġġjata r-reżiljenza taċ-ċittadini fi żminijiet ta' kriżi, meta trid tingħata attenzjoni wkoll għall-benessri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċifika għall-iżvilupp ta' ħiliet personali bħal ħiliet analitiċi, intelliġenza emozzjonali, tmexxija, ħiliet intraprenditorjali u finanzjarji, tisħiħ tal-pożizzjoni, ħidma f'tim, komunikazzjoni, kooperazzjoni, responsabbiltà, adattabbiltà, kreattività, innovazzjoni, ħsieb kritiku u ħiliet lingwistiċi, li se jsiru saħansitra aktar importanti għaċ-ċittadinanza attiva u d-dinja tax-xogħol wara l-COVID-19;

53.

Jindika li f'soċjetà li qed tixjieħ, huwa kruċjali li jiġi żgurat it-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li l-kultura tat-tagħlim tul il-ħajja tiġi enfasizzata minn età żgħira sa età akbar; ifakkar li l-ġlieda kontra l-qgħad fost l-anzjani fl-UE tibqa' importanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni lill-ħaddiema ta' età akbar u biex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi individwalizzati ta' taħriġ ta' aġġornament u ta' taħriġ mill-ġdid li jippermettulhom jadattaw għall-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu, u b'hekk jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol għal aktar żmien, igawdu minn kwalità tajba tal-ħajja u minn livell ta' indipendenza suffiċjenti; jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni speċjali għat-titjib tal-ħiliet u t-teknoloġiji diġitali, li jistgħu joffru metodi u opportunitajiet ġodda għall-edukazzjoni tal-adulti u tal-anzjani wkoll, kif ukoll għall-għoti ta' garanzija ta' aċċess għall-internet u t-titjib tal-infrastruttura diġitali, b'mod partikolari f'żoni rurali u remoti; josserva, f'dan ir-rigward, ir-rwol taċ-ċentri komunitarji, il-libreriji u s-soluzzjonijiet ta' tagħlim mill-bogħod imfassla apposta sabiex it-tagħlim tul il-ħajja jsir aktar aċċessibbli għall-anzjani; jissottolinja li l-ġenerazzjonijiet aktar anzjani huma wkoll riżorsa prezzjuża minħabba l-esperjenza tagħhom, li għandhom ikunu mħeġġa jikkondividu biex jiżdiedu l-ħiliet f'ġenerazzjonijiet iżgħar ta' ħaddiema;

54.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' tfal taħt l-età ta' 3 snin fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC), u li jkun hemm enfasi akbar fuq l-iżvilupp mill-ewwel snin tal-ħajja tat-tfal, il-ħiliet ta' riċerka u approċċ kreattiv għat-tagħlim dwar id-dinja; jindika li l-bidu bikri tal-edukazzjoni preprimarja għandu impatt sinifikanti fuq il-ksib ta' eżiti aħjar fl-istadji aktar tardivi tal-edukazzjoni, u li l-iżbilanċ fil-parteċipazzjoni fl-ECEC jista' jikkontribwixxi għad-differenzi fl-opportunitajiet u fl-attivitajiet edukattivi disponibbli tat-tfal mill-istadji l-aktar bikrija tal-iżvilupp;

55.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida tal-azzjonijiet imħabbra mill-Kummissjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet tas-suq tax-xogħol u biex jingħata kontribut għal irkupru rapidu mill-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi skeda ta' żmien ċara tal-azzjonijiet previsti;

56.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' soluzzjonijiet immirati biex jippermettu li kumpaniji u impjegaturi privati jħeġġu u jappoġġjaw taħriġ fuq il-post tax-xogħol u liv għat-taħriġ, inkluż billi jeżaminaw vawċers għat-taħriġ jew ir-rikonoxximent awtomatiku tal-ħiliet miksuba fuq ix-xogħol; ifakkar fl-importanza strateġika ta' inizjattivi bħal EuroSkills u WorldSkills, li huma eżempji mudell tal-bini ta' sħubiji bejn l-intrapriżi, il-gvern, l-awtoritajiet reġjonali u dawk edukattivi; jitlob li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva EuroSkills permezz tal-finanzjament ta' proġetti konġunti, l-iskambju tal-esperjenzi, il-bini tal-potenzjal tal-istituzzjonijiet li jipprovdu taħriġ għall-ħtiġijiet ta' EuroSkills, il-ħolqien ta' klassijiet master ta' EuroSkills, kampusijiet tal-industrija għaż-żgħażagħ b'talent, u sistema ta' taħriġ għall-ħarrieġa u l-esperti fl-industrija;

57.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/human-capital

(2)  ĠU C 389, 18.11.2019, p. 1.

(3)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6889-2017-INIT/mt/pdf

(4)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

(5)  ĠU C 429, 14.12.2017, p. 3.

(6)  ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42.

(7)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8.

(8)  “Sixth European Working Conditions Survey” (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol), Eurofound. https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1634en.pdf

(9)  “Impact of computerisation on job profiles (changing tasks within occupations – hence requiring different types of skills)” (L-impatt tal-kompjuterizzazzjoni fuq il-profili tal-impjiegi (tibdil tal-kompiti fl-okkupazzjonijiet — u b'hekk ikunu meħtieġa tipi differenti ta' ħiliet): https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/wpef19007.pdf

(10)  https://www.cedefop.europa.eu/files/3077_en.pdf

(11)  https://skillspanorama.cedefop.europa.eu/en

(12)  https://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/data-visualisations/european-skills-index

(13)  EPRS_STU(2020)641528_EN.pdf (europa.eu)

(14)  https://www.oecdskillsforjobsdatabase.org/

(15)  https://www.oecd-ilibrary.org/docserver/cf5d9c21-en.pdf?expires=1600261868&id=id&accname=ocid194994&checksum=3B44E0891A2F10A546C7CBF7A9521676

(16)  https://read.oecd-ilibrary.org/view/?ref=135_135193-hgf8w9g731&title=Skill-measures-to-mobilise-the-

(17)  Testi adottati, P9_TA(2020)0282.

(18)  Testi adottati, P9_TA(2020)0267.

(19)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 8.

(20)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 135.

(21)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 44.

(22)  ĠU C 316, 22.9.2017, p. 233.

(23)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=9150&furtherNews=yes

(24)  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/human-capital

(25)  “The future of jobs” (Il-futur tal-impjiegi), il-Forum Ekonomiku Dinji, Settembru 2018.

(26)  L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) 2020, il-Kummissjoni Ewropea.

(27)  “How your birthplace affects your workplace” (Kif il-post tat-twelid tiegħek jaffettwa l-post tax-xogħol tiegħek), Eurofound (2019). https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef19004en.pdf

(28)  “Key Data on Early Childhood Education and Care Education and Training in Europe – 2019 Edition” (Data Ewlenija dwar l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ dwar il-Kura fl-Ewropa – Edizzjoni tal-2019) Rapport ta' Eurydice, p. 26.

(29)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Early_leavers_from_education_and_training#Overview

(30)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/EDN-20191004-1#:~:text=Among%20teachers%20working%20in%20the,were%20aged%2050%20or%20older.&text=In%20all%20EU%20Member%20States,in%202017%20were%20predominantly%20female

(31)  In-Nota ta' politika tal-ILO, Awwissu 2020, https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---ifp_skills/documents/publication/wcms_244380.pdf

(32)  “ICT for Work: Digital Skills in the Workplace” (L-ICT għax-Xogħol: Ħiliet Diġitali fil-Post tax-Xogħol), il-Kummissjoni Ewropea, 2017.

(33)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/EDN-20180425-1

(34)  https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/9540ffa1-4478-11e9-a8ed-01aa75ed71a1/language-en

(35)  2018 International Computer and Information Literacy Study (Studju Internazzjonali tal-2018 dwar il-Kompetenza fl-Użu tal-Kompjuter u l-Informatika) (ICILS).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/123


P9_TA(2021)0052

Is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets (Belarussja)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 dwar is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja (2021/2511(RSP))

(2021/C 465/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja (O-000004/2021 – B9-0003/2021),

wara li kkunsidra r-Regoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

A.

billi s-sikurezza nukleari hija prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea kemm fil-fruntieri esterni tagħha kif ukoll lil hinn minnhom;

B.

billi l-Grupp ta' Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) jiġbor flimkien l-għarfien espert estensiv miksub mir-rieżami bejn il-pari tal-impjanti tal-enerġija nukleari li jinsabu kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

C.

billi tim ta' rieżami bejn il-pari tal-ENSREG żar il-Belarussja u l-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets f'Marzu 2018, wara l-attivitajiet preparatorji meħtieġa, inkluż il-wasla tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tat-tim ta' rieżami bejn il-pari, u ippubblika r-rapport finali tiegħu f'Lulju 2018;

D.

billi l-ENSREG talab lill-awtoritajiet Belarussi jiżviluppaw Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tar-rakkomandazzjonijiet kollha dwar it-titjib tas-sikurezza identifikati fir-rapport ta' rieżami bejn il-pari, soġġett għal rieżami indipendenti futur kif inhu l-każ għall-pajjiżi kollha tal-UE u dawk mhux tal-UE li jipparteċipaw fil-proċess tat-test tal-istress;

E.

billi l-Belarussja ppubblikat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħha f'Awwissu 2019 iżda qablet biss ma' rieżami bejn il-pari ulterjuri mill-ENSREG f'Ġunju 2020, wara li sarulha talbiet ripetuti u pressjoni konsiderevoli ta' livell għoli min-naħa tal-UE;

F.

billi dan il-proċess ulterjuri ta' rieżami bejn il-pari għadu għaddej u l-ENSREG se jlesti u jippubblika s-sejbiet tiegħu fix-xhur li ġejjin, u għandu l-għan li jkollu rapport preliminari maħruġ mill-ENSREG u trażmess lill-Belarussja qabel il-bidu kummerċjali tal-impjant, li huwa ppjanat għal Marzu 2021 mill-awtoritajiet Belarussi;

G.

billi l-impjant beda jiġġenera l-elettriku fit-3 ta' Novembru 2020 minkejja t-tħassib multiplu dwar is-sikurezza u mingħajr evidenza tal-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mir-rieżami bejn il-pari tal-UE tal-2018 u mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA);

H.

billi l-bidu fiżiku tal-impjant twettaq fin-nuqqas ta' liċenzja operattiva, peress li l-proċedura ta' liċenzjar inbidlet f'Lulju 2020;

I.

billi l-kummerċ tal-elettriku bejn il-Belarussja u l-UE waqaf fit-3 ta' Novembru 2020, meta l-impjant ta' Ostrovets ġie konness mal-grilja tal-elettriku, wara d-deċiżjoni konġunta tal-Istati Baltiċi f'Awwissu 2020 li jwaqqfu l-iskambji kummerċjali tal-elettriku mal-Belarussja ladarba l-impjant ta' Ostrovets jibda jipproduċi l-elettriku;

1.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-pożizzjoni ġeografika tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets, li jinsab 50 km 'l bogħod minn Vilnius (il-Litwanja) u qrib ħafna ta' pajjiżi oħra tal-UE bħall-Polonja, il-Latvja u l-Estonja;

2.

Jiddeplora l-fatt li l-proġett qed jiġi implimentat minkejja l-protesti taċ-ċittadini Belarussi, u li l-membri tal-NGOs Belarussi li qed ifittxu li jqajmu kuxjenza dwar il-kostruzzjoni tal-impjant f'Ostrovets ġew ippersegwitati u arrestati illegalment;

3.

Jinnota bi tħassib li l-impjant qed jiġi mħaddem bħala proġett ġeopolitiku tal-Belarussja u r-Russja u li l-bini u l-operazzjoni futura tiegħu huma sors ta' theddida possibbli għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tas-sikurezza, is-saħħa u l-protezzjoni tal-ambjent;

4.

Jibqa' mħasseb dwar l-ikkommissjonar mgħaġġel ta' impjant tal-enerġija nukleari li ma jikkonformax mal-ogħla standards internazzjonali ambjentali u tas-sikurezza nukleari, inkluż mar-rakkomandazzjonijiet tal-IAEA;

5.

Jiddeplora n-nuqqas persistenti ta' trasparenza u ta' informazzjoni uffiċjali rigward l-għeluq ta' emerġenza rikorrenti tar-reattur u l-ħsara fit-tagħmir matul l-istadju tal-ikkommissjonar tal-impjant fl-2020, inkluża l-ħsara f'erba' transformers tal-vultaġġ u l-funzjonament ħażin tas-sistemi ta' tkessiħ, filwaqt li kien hemm tmien inċidenti magħrufa matul l-istadju ta' kostruzzjoni tal-impjant, inklużi żewġ inċidenti relatati mar-reċipjent taħt pressjoni tar-reattur;

6.

Jinnota li r-rieżami bejn il-pari tal-UE fl-2018 żvela bosta nuqqasijiet u li għadd limitat biss tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew irrappurtati li ġew implimentati s'issa, u li dik l-implimentazzjoni jeħtieġ li tiġi vverifikata mill-esperti tal-UE;

7.

Jinnota li l-kwantità u l-frekwenza tal-inċidenti ta' sikurezza jqajmu tħassib kbir rigward l-assigurazzjoni u l-kontroll ħżiena tal-kwalità fl-istadji tad-diżinn tal-impjant, il-fażijiet tal-manifattura u l-assemblaġġ u s-sikurezza operattiva baxxa tiegħu, li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod xieraq fir-rieżami bejn il-pari tal-UE;

8.

Iħeġġeġ lill-Belarussja tiżgura rispett sħiħ għall-istandards internazzjonali tas-sikurezza nukleari u ambjentali, u kooperazzjoni trasparenti, inklużiva u kostruttiva mal-awtoritajiet internazzjonali mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Belarussja twaqqaf l-applikazzjoni selettiva tal-istandards tal-IAEA u tar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami bejn il-pari;

9.

Jinnota li l-istandards tas-sikurezza nukleari għandhom jingħataw l-ogħla prijorità mhux biss matul l-ippjanar u l-kostruzzjoni iżda wkoll matul l-operazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari, u għandhom jiġu ssorveljati b'mod kostanti minn regolatur indipendenti;

10.

Jinsab imħasseb li l-awtorità regolatorja attwali fil-Belarussja (Gosatomnadzor — Department of Nuclear and Radiation Safety of the Ministry for Emergency Situations — Department of Nuclear and Radiation Safety of the Ministry for Emergency Situations) tinsab taħt pressjoni politika kostanti u hija nieqsa minn indipendenza suffiċjenti kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza; jenfasizza, għalhekk, li rieżami trasparenti u b'reqqa bejn il-pari huwa kruċjali wkoll matul il-fażi operattiva tal-impjant;

11.

Jinnota d-deċiżjoni tal-partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (il-Konvenzjoni Espoo) tal-11 ta' Diċembru 2020 dwar il-konformità tal-Belarussja mal-obbligi tagħha skont il-konvenzjoni fir-rigward tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, u jħeġġeġ lill-Belarussja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Espoo;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa li tinbena u tinżamm sistema ta' twissija bikrija għall-kejl tar-radjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE li jinsabu qrib l-impjant;

13.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jikkooperaw bis-sħiħ mal-ENSREG fil-proċess tat-test tal-istress, inkluż rieżami formali u implimentazzjoni urġenti tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Belarussja;

14.

Jiddispjaċih li missjoni ta' rieżami bejn il-pari tal-ENSREG fl-impjant ta' Ostrovets, li oriġinarjament kienet ippjanata li ssir f'Diċembru 2020, kellha tiġi kkanċellata minħabba raġunijiet organizzattivi min-naħa tal-ospitant kif ukoll minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

15.

Jilqa' l-ewwel fażi tar-rieżami bejn il-pari attwali tal-UE li tikkonsisti fi żjara fuq il-post fil-bidu ta' Frar 2021; jenfasizza l-importanza tat-tlestija f'waqtha tal-proċess ta' rieżami bejn il-pari u l-pubblikazzjoni tas-sejbiet tiegħu, u li tal-anqas rapport preliminari għandu jiġi trażmess lill-Belarussja qabel Marzu 2021, li hija d-data tal-bidu kummerċjali tal-impjant ippjanat mill-awtoritajiet Belarussi; jinnota li l-kwistjonijiet kollha ta' sikurezza huma ugwalment importanti u jridu jiġu indirizzati qabel il-bidu kummerċjali tal-impjant;

16.

Jiddispjaċih ħafna dwar il-bidu kummerċjali mgħaġġel tal-impjant f'Marzu 2021, u jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza tal-ENSREG iridu jiġu implimentati qabel ma l-impjant tal-enerġija nukleari jkun jista' jibda l-operazzjonijiet kummerċjali tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Belarussi sabiex tissospendi l-proċess tal-bidu sakemm ir-rakkomandazzjonijiet kollha tat-testijiet tal-istress tal-UE jiġu implimentati bis-sħiħ u sakemm ikun hemm fis-seħħ kull titjib tas-sikurezza meħtieġ, u wara li s-soċjetà Belarussa u l-pajjiżi ġirien ikunu ġew infurmati kif xieraq dwar il-miżuri meħuda;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-ENSREG ikomplu b'rieżami bejn il-pari trasparenti u b'reqqa tal-impjant, biex jinsistu dwar l-implimentazzjoni immedjata tar-rakkomandazzjonijiet kollha u biex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-proċess ta' implimentazzjoni, inklużi żjarat regolari mit-tim ta' rieżami bejn il-pari fis-sit ta' Ostrovets, inkluż matul l-operazzjoni tal-faċilità; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' kooperazzjoni effikaċi mal-IAEA;

18.

Jinnota li, minkejja l-ftehim komuni bejn il-pajjiżi Baltiċi biex jitwaqqfu l-iskambji kummerċjali tal-elettriku mal-Belarussja, għadu possibbli għall-elettriku mill-Belarussja li jidħol fis-suq tal-UE permezz tal-grilja Russa;

19.

Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020, u jappoġġa l-isforzi biex issir investigazzjoni tal-miżuri possibbli għall-prevenzjoni tal-importazzjonijiet tal-elettriku kummerċjali minn faċilitajiet nukleari ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-livelli ta' sikurezza rikonoxxuti tal-UE, inkluż l-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tipproponi miżuri biex tissospendi l-kummerċ tal-elettriku mal-Belarussja b'mod li jkun konformi mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali dwar il-kummerċ, l-enerġija u l-enerġija nukleari, sabiex jiġi żgurat li l-elettriku prodott fl-impjant ta' Ostrovets ma jidħolx fis-suq tal-enerġija tal-UE filwaqt li l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jibqgħu konnessi man-network BRELL;

21.

Jenfasizza l-importanza strateġika li tiġi aċċellerata s-sinkronizzazzjoni tan-network tal-elettriku Baltiku man-Network Kontinentali Ewropew, u jenfasizza li l-operazzjoni futura tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ostrovets m'għandu bl-ebda mod ifixkel id-desinkronizzazzjoni tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja min-network BRELL, u li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-integrazzjoni tat-tliet Stati Baltiċi fil-grilja tal-elettriku tal-UE;

22.

Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu maċ-ċittadini tal-Belarussja u maċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE li huma direttament ikkonċernati mill-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-impjant ta' Ostrovets u jitlob għal aktar involviment ta' livell għoli tal-UE u tal-istituzzjonijiet tagħha f'din il-kwistjoni ta' importanza Ewropea aħħarija;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/126


P9_TA(2021)0053

Is-sitwazzjoni umanitarja u politika fil-Jemen

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni umanitarja u politika fil-Jemen (2021/2539(RSP))

(2021/C 465/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Ottubru 2018 (1), tat-30 ta' Novembru 2017 (2), tal-25 ta' Frar 2016 (3) u tad-9 ta' Lulju 2015 (4) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (5),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2021 tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-aktar attakki riċenti minn Ansar Allah,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-SEAE tat-12 ta' Jannar 2021 dwar id-deżinjazzjoni ta' Ansar Allah bħala organizzazzjoni terroristika mill-Istati Uniti,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-SEAE tat-30 ta' Diċembru 2020 dwar l-attakk f'Aden, tad-19 ta' Diċembru 2020 dwar il-formazzjoni tal-gvern il-ġdid, tas-17 ta' Ottubru 2020 dwar il-ħelsien tad-detenuti, tat-28 ta' Settembru 2020 dwar l-iskambju tal-priġunieri, u tal-31 ta' Lulju 2020 dwar il-ħelsien ta' membri tal-komunità Baha'i,

wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt tas-17 ta' Settembru 2020 mill-Ġermanja, il-Kuwajt, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, Franza, ir-Russja u l-Unjoni Ewropea dwar il-kunflitt fil-Jemen,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' April 2020 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar it-tħabbira tal-waqfien mill-ġlied fil-Jemen,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-UE Janez Lenarčič u l-ex-Ministru Żvediż għall-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp Peter Eriksson tal-14 ta' Frar 2020 u tal-24 ta' Settembru 2020 bit-titolu “L-Assemblea Ġenerali tan-NU: L-UE u l-Iżvezja jingħaqdu flimkien biex jevitaw il-karestija fil-Jemen”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar il-Jemen, b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Jemen tat-22 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti mill-esperti tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “UN Group of Eminent International and Regional Experts Briefs the UN Security Council Urging an end to impunity, an expansion of sanctions, and the referral by the UN Security Council of the situation in Yemen to the International Criminal Court” (Il-Grupp tan-NU ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali jagħti tagħrif lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jħeġġeġ li tintemm l-impunità, li jiżdiedu s-sanzjonijiet, u li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jirreferi s-sitwazzjoni fil-Jemen lill-Qorti Kriminali Internazzjonali), tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “UN experts: technical team must be allowed to avert oil spill disaster threatening Yemen” (L-esperti tan-NU: it-tim tekniku jeħtieġ li jitħalla jevita d-diżastru ta' tixrid ta' żejt li qed jhedded il-Jemen), tal-15 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “UAE: UN experts say forced return of ex-Guantanamo detainees to Yemen is illegal, risks lives” (L-Emirati Għarab Magħquda: l-esperti tan-NU jgħidu li r-ritorn furzat tal-ex-detenuti ta' Guantanamo lejn il-Jemen huwa illegali u jissogra l-ħajjiet), u tat-23 ta' April 2020 bit-titolu “UN experts appeal for immediate and unconditional release of the Baha'is in Yemen” (L-esperti tan-NU jappellaw għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-Baha'i fil-Jemen),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza teknika pprovduta lill-Kummissjoni Nazzjonali ta' Inkjesta biex tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt fil-Jemen (A/HRC/45/57),

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar “it-tfal u l-kunflitti armati”,

wara li kkunsidra t-tielet rapport tal-Grupp tan-NU ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen (GEE) tat-28 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi l-ksur u l-abbużi minn Settembru 2014,

wara li kkunsidra d-djalogu interattiv tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU mal-GEE tan-NU tad-29 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2534 tal-14 ta' Lulju 2020 li ġġedded il-mandat tal-Missjoni tan-NU biex Tappoġġa l-Ftehim ta' Al-Hudaydah (UNMHA) sal-15 ta' Lulju 2021 u r-riżoluzzjoni 2511 tal-25 ta' Frar 2020 li ġġedded ir-reġim tas-sanzjonijiet kontra l-Jemen b'sena,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-tieni anniversarju tal-Ftehim ta' Stokkolma tal-14 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stokkolma tat-13 ta' Diċembru 2018,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Riyadh tal-5 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi 10 snin ilu, fi Frar 2011, bdew protesti tal-massa f'dik li saret magħrufa bħala r-rivoluzzjoni Jemenita, li aktar tard wasslet għat-tluq tal-President Ali Abdullah Saleh wara dittatorjat ta' 33 sena; billi din ir-rewwixta rriflettiet l-aspirazzjonijiet profondi tal-poplu tal-Jemen għad-demokrazija, il-libertà, il-ġustizzja soċjali u d-dinjità tal-bniedem;

B.

billi mill-bidu tal-kunflitt armat f'Marzu 2015, inqatlu mill-anqas 133 000 persuna, u 3,6 miljun ġew spostati internament; billi l-Ftehim ta' Stokkolma, iffirmat f'Diċembru 2018, kellu l-ħsieb li joħloq kurituri umanitarji sikuri, skambji ta' priġunieri u waqfien mill-ġlied fiż-żona tal-Baħar l-Aħmar; billi, minn dak iż-żmien, il-partijiet kisru l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u nqatlu aktar minn 5 000 persuna ċivili; billi l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni ċivili nqatlet bl-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija;

C.

billi l-analisti fil-biċċa l-kbira jaqblu dwar il-fatt li, il-Jemen, peress li ma rnexxilux isegwi perkors politiku inklużiv, inqabad f'tensjonijiet tribali u politiċi dejjem akbar u fi gwerra kiefra bi prokura bejn ir-ribelli Houthi appoġġati mill-Iran, u l-Arabja Sawdija, li wassal lir-reġjun usa' direttament f'kunflitt kumpless; billi l-Arabja Sawdija tqis lir-ribelli Houthi fil-Jemen bħala forza Iranjana bi prokura, filwaqt li l-Iran ikkundanna l-offensiva mmexxija mill-Arabja Sawdija u appella għall-waqfien immedjat tal-attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija;

D.

billi matul l-2020 il-ġlied intensifika, b'mod partikolari f'Jawf, Ma'rib, Nihm, Ta'izz, Al-Hudaydah, Bayda u Abyan u madwarhom, bl-appoġġ dirett u s-sostenn ta' stati terzi, fosthom mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija lill-Gvern tal-Jemen, u mill-Emirati Għarab Magħquda lill-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar, filwaqt li l-moviment tal-Houthi appoġġat mill-Iran għadu jikkontrolla l-parti l-kbira tat-tramuntana u ċ-ċentru tal-Jemen, fejn tgħix 70 % tal-popolazzjoni tal-Jemen; billi għadu qed jitwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fuq skala kbira u mingħajr ebda obbligu ta' rendikont fuq l-awturi tar-reati;

E.

billi l-UE hija mħassba dwar rapporti ta' attakki ġodda mwettqa mill-moviment tal-Houthi fil-Provinċji ta' Ma'rib u Al-Jawf, kif ukoll ta' tentattivi ripetuti li jitwettqu attakki transfruntieri fit-territorju tal-Arabja Sawdija; billi l-azzjonijiet u l-offensivi militari mġedda f'dan iż-żmien partikolari jikkompromettu serjament l-isforzi li qed isiru mill-Mibgħut Speċjali tan-NU, Martin Griffiths, kif ukoll l-isforzi globali biex il-gwerra fil-Jemen tintemm;

F.

billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2020 ġedded il-mandat tal-GEE tan-NU; billi l-aktar rapport riċenti tal-GEE tan-NU ta' Settembru 2020 juri li l-partijiet kollha fil-kunflitt għadhom iwettqu firxa ta' vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

G.

billi l-ksur ivverifikat tad-drittijiet tal-bniedem jinkludi l-privazzjoni arbitrarja tal-ħajja, l-għajbien furzat, id-detenzjoni arbitrarja, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza sesswali, it-tortura u forom oħra ta' trattament krudili, inuman jew degradanti, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fl-ostilitajiet, iċ-ċaħda tad-dritt għal proċess ġust, u l-ksur tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; billi l-użu mifrux tal-mini tal-art mill-moviment tal-Houthi joħloq theddida kostanti għall-persuni ċivili u jikkontribwixxi għall-ispostament; billi l-moviment tal-Houthi, il-forzi affiljati mal-gvern u l-forzi tal-Emirati Għarab Magħquda u dawk Jemeniti appoġġati mill-Emirati Għarab Magħquda kienu responsabbli b'mod dirett għal detenzjonijiet arbitrarji u għajbien furzat;

H.

billi l-Jemen u l-Emirati Għarab Magħquda iffirmaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali iżda għad iridu jirratifikawh; billi l-Arabja Sawdija la ffirmat u lanqas irratifikat l-Istatut ta' Ruma; billi diversi dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma, inklużi dawk relatati ma' delitti tal-gwerra, jirriflettu d-dritt internazzjonali konswetudinarju; billi l-GEE tan-NU appella lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirreferi s-sitwazzjoni fil-Jemen lill-Qorti Kriminali Internazzjonali u biex jespandi l-lista ta' persuni soġġetti għas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà;

I.

billi fis-26 ta' Diċembru 2020, l-24 membru tal-Gvern Jemenit il-ġdid ħadu l-ħatra tagħhom quddiem il-President Abd-Rabbu Mansour Hadi abbażi tal-Ftehim ta' Riyadh milħuq taħt l-awspiċju tal-Arabja Sawdija; billi l-gvern il-ġdid Jemenit, iffurmat b'kondiviżjoni tal-poter, għandu rappreżentanza ugwali mir-reġjuni tat-Tramuntana kif ukoll minn dawk tan-Nofsinhar tal-pajjiż, inklużi ħames membri tal-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar; billi jiddispjaċih li, għall-ewwel darba f'aktar minn 20 sena, dan ma jinkludi l-ebda mara fost il-membri tiegħu; billi nqalgħet tilwima ġdida bejn il-gvern rikonoxxut internazzjonalment u l-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar dwar ħatra ġudizzjarja, li tikkonferma l-instabbiltà tal-gvern ta' koalizzjoni; billi faqqa' kunflitt militari mġedded bejn il-forzi tal-gvern rikonoxxut internazzjonalment (appoġġati mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija) u l-moviment tal-Houthi; billi mill-bidu tal-kunflitt in-nisa kienu kompletament assenti mill-proċessi tan-negozjati, iżda madankollu huma fundamentali biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt;

J.

billi l-gwerra wasslet għall-agħar kriżi umanitarja fid-dinja, bi kważi 80 % tal-popolazzjoni – aktar minn 24 miljun ruħ – fil-bżonn ta' appoġġ umanitarju, fosthom aktar minn 12-il miljun tifel u tifla; billi s-sitwazzjoni fil-post qed tkompli tmur għall-agħar, minħabba li 50 000 Jemenit diġà qed jgħixu f'kundizzjonijiet simili għal dawk ta' karestija; billi skont l-aktar analiżi riċenti tal-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel għall-Jemen, aktar minn nofs il-popolazzjoni, jiġifieri 16,2 miljun minn 30 miljun ruħ, se tkun qed tiffaċċja livelli ta' kriżi ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-għadd ta' persuni li jesperjenzaw kundizzjonijiet simili għal dawk tal-karestija jista' kważi jittrippla; billi 56 % biss mit-USD 3,38 biljun meħtieġa għar-rispons umanitarju fl-2020 waslu s'issa;

K.

billi l-COVID-19 u l-impatt soċjoekonomiku tiegħu jkomplu jxekklu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u jżidu r-riskju ta' malnutrizzjoni; billi kien hemm tifqigħa tal-kolera li hija l-akbar waħda fl-istorja riċenti, u l-każijiet irrappurtati qabżu l-1,1 miljun;

L.

billi l-kunflitt li għaddej qed ixekkel serjament il-progress tal-Jemen lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 1 (l-ebda faqar) u l-SDG 2 (l-ebda ġuħ); billi l-kunflitt reġġa' lura l-iżvilupp tal-Jemen b'aktar minn għoxrin sena; billi d-distakk fit-twettiq tal-SDGs se jkompli jikber dment li jippersisti l-kunflitt;

M.

billi, mill-2019 'il hawn, qed tiżviluppa għat-tielet darba kriżi tal-fjuwil fit-tramuntana tal-Jemen, li tnaqqas sostanzjalment l-aċċess għall-ikel, l-ilma, is-servizzi mediċi u t-trasport essenzjali għall-popolazzjoni ċivili; billi din il-kriżi kkawżata mill-bniedem hija r-riżultat dirett tal-kompetizzjoni bejn il-moviment Houthi u l-Gvern tal-Jemen rikonoxxut min-NU għall-kontroll tal-fjuwil;

N.

billi 2,1 miljun tifel u tifla qed isofru malnutrizzjoni akuta, filwaqt li kważi 358 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin huma qed isofru malnutrizzjoni severa; billi bħala riżultat tal-iskarsezza ta' finanzjament, minn April 2020 iddaħħlu fis-seħħ tnaqqisiet fl-assistenza għall-ikel, u 1,37 miljun ruħ oħra se jintlaqtu jekk ma jiġix żgurat finanzjament addizzjonali; billi teżisti l-possibiltà li 530 000 tifel u tifla taħt l-età ta' sentejn ma jirċevux servizzi ta' nutrizzjoni jekk il-programmi jiġu sospiżi;

O.

billi s-sitwazzjoni tan-nisa marret għall-agħar minħabba l-kunflitt u l-pandemija riċenti tal-COVID-19; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza sesswali żdiedu b'rata esponenzjali mill-bidu tal-kunflitt s'issa; billi l-kapaċità tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li tindirizza l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru, li diġà kienet limitata, issa sfaxxat, u billi ma saret l-ebda investigazzjoni ta' prattiki bħall-ħtif u l-istupru tan-nisa, jew it-theddid ta' dan; billi madwar 30 % tal-unitajiet domestiċi spostati huma mmexxija minn nisa; billi l-mediċini għal ħafna mard kroniku m'għadhomx disponibbli, u billi l-Jemen għandu waħda mill-ogħla rati ta' mortalità materna; billi n-nisa tqal u li qed ireddgħu li jkunu fi stat ta' malnutrizzjoni huma aktar suxxettibbli li jimirdu bil-kolera u huma f'riskju akbar ta' emorraġija, u dan iżid konsiderevolment ir-riskju ta' kumplikazzjonijiet u ta' mewt waqt li jkunu qed iwelldu;

P.

billi l-GEE tan-NU sab li l-Forzi taż-Żona tas-Sigurtà appoġġati mill-Emirati Għarab Magħquda wettqu stupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali kontra d-detenuti f'diversi faċilitajiet ta' detenzjoni, fosthom fil-faċilità tal-koalizzjoni f'Bureiqa u fil-ħabs ta' Bir Ahmed, u kontra migranti u komunitajiet Afrikani suwed emarġinati, kif ukoll theddid u fastidju kontra persuni LGBTI; billi saru allegazzjonijiet kredibbli li l-moviment tal-Houthi appoġġati mill-Iran qed jużaw l-istupru u t-tortura bħala armi tal-gwerra, b'mod partikolari kontra nisa impenjati politikament u attivisti nisa;

Q.

billi l-Parlament talab b'mod ripetut projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kull xorta ta' tagħmir tas-sigurtà lil membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inkluża l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, fid-dawl tal-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-Jemen; billi xi Stati Membri imponew projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-armi lil membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inkluża l-projbizzjoni tal-Ġermanja fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn l-Arabja Sawdija u l-projbizzjoni tal-Italja fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, u billi oħrajn qed jikkunsidraw li jagħmlu dan; billi xi Stati Membri qed ikomplu jesportaw l-armi lejn l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda li jaf jiġu użati fil-Jemen, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjonijiet tal-armi, li hija legalment vinkolanti (7);

R.

billi l-Istati Uniti waqqfu l-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija u ssospendew it-trasferiment ta' ġettijiet F-35 lejn l-Emirati Għarab Magħquda sakemm isir rieżami; billi fl-4 ta' Frar 2021, il-President Biden tal-Istati Uniti ħabbar it-tmiem imminenti tal-appoġġ kollu tal-Istati Uniti għall-operazzjonijiet offensivi fil-gwerra fil-Jemen, inkluż il-bejgħ tal-armi rilevanti, u ħatar mibgħut ġdid għall-Jemen;

S.

billi fir-rapport finali tiegħu tat-22 ta' Jannar 2021, il-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Jemen innota li korp dejjem jikber ta' evidenza jissuġġerixxi li individwi jew entitajiet fl-Iran ifornu lill-moviment tal-Houthi volumi sinifikanti ta' armi u komponenti; billi l-moviment tal-Houthi qed ikompli jattakka miri ċivili fl-Arabja Sawdija bl-użu ta' missili u vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ;

T.

billi fid-19 ta' Jannar 2021, l-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti kklassifikat il-moviment tal-Houthi, Ansar Allah, bħala organizzazzjoni terroristika; billi minkejja l-liċenzji ġenerali mogħtija mill-Gvern tal-Istati Uniti, ir-riperkussjonijiet ta' din il-klassifikazzjoni fuq il-kapaċità ta' importazzjoni ta' ikel, fjuwil u mediċini fil-pajjiż għadhom inkwetanti immens; billi, fil-5 ta' Frar 2021, l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti ħabbret it-tneħħija ta' Ansar Allah mil-lista ta' Organizzazzjonijiet Terroristiċi Barranin u mil-lista ta' Entitajiet Espressament Identifikati bħala Entitajiet Terroristiċi Internazzjonali;

U.

billi d-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen ikkawżat l-espansjoni u l-konsolidazzjoni tal-preżenza ta' gruppi terroristiċi fil-pajjiż, inkluż Ansar al-Sharia, magħruf ukoll bħala Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija, u l-hekk imsejħa Provinċja Jemenita ta' Daesh, li qed ikomplu jikkontrollaw partijiet żgħar mit-territorju, kif ukoll il-fergħa militari ta' Hezbollah, li tinsab fil-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

V.

billi Jemen stabbli, sikur u demokratiku, bi gvern li jiffunzjona kif suppost, huwa kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-iżgurar tal-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

W.

billi d-daqs tal-ekonomija tal-Jemen ċkien b'45 % bejn l-2015 u l-2019; billi l-ekonomija tal-pajjiż, li diġà kienet fraġli anke qabel il-kunflitt, ġiet milquta serjament, u mijiet ta' eluf ta' familji m'għadx għandhom sors stabbli ta' introjtu; billi l-Jemen jimporta 90 % tal-ikel tiegħu permezz ta' importazzjonijiet kummerċjali li l-aġenziji tal-għajnuna ma jistgħux jissostitwixxu, peress li l-aġenziji umanitarji jipprovdu vouchers għall-ikel jew flus kontanti lill-persuni fil-bżonn, biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jixtru mis-swieq; billi 70 % tal-importazzjonijiet kummerċjali u tal-għajnuna lejn il-Jemen jidħlu mill-port ta' Al-Hudaydah li huwa kkontrollat mill-Houthi u mill-port ta' Saleef li jinsab fil-viċin, u jipprovdu ikel, fjuwil u mediċina li l-popolazzjoni teħtieġ għas-sopravivenza;

X.

billi l-ispekulazzjoni ekonomika ġiet iddokumentata b'mod wiesa', u r-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż qed jiġu ddevjati kemm mill-Gvern tal-Jemen kif ukoll mill-moviment tal-Houthi, u dan għandu impatt devastanti fuq il-poplu tal-Jemen; billi r-rapport finali tal-Bord ta' Esperti tan-NU jiddikjara li l-moviment tal-Houthi fl-2019 iddevja mill-inqas USD 1,8 biljun li kienu allokati biex il-gvern iħallas is-salarji u jipprovdi servizzi bażiċi liċ-ċittadini; billi r-rapport jenfasizza wkoll li l-gvern qed jinvolvi ruħu fi prattiki ta' ħasil tal-flus u ta' korruzzjoni li jaffettwaw b'mod negattiv l-aċċess għal provvisti tal-ikel adegwati għall-Jemeniti, bi ksur tad-dritt għall-ikel, inkluża d-devjazzjoni illegali lill-kummerċjanti ta' USD 423 miljun ta' fondi mill-Arabja Sawdija oriġinarjament destinati għall-akkwist tar-ross u prodotti bażiċi oħra għall-poplu Jemenit;

Y.

billi l-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU enfasizza l-urġenza li tiġi indirizzata t-theddida umanitarja u ambjentali li miljun barmil żejt inixxu mit-tanker taż-żejt FSO Safer 'il barra minn Ras Issa fil-Jemen; billi d-deterjorament rapidu tat-tanker joħloq it-theddida serja ta' tixrid kbir ta' żejt, li jkollu impatt ambjentali diżastruż, jeqred il-bijodiversità u jġib fix-xejn l-għajxien tal-komunitajiet kostali lokali fil-Baħar l-Aħmar; billi, minkejja r-riskju imminenti ta' diżastru ekoloġiku, l-ispezzjoni tant mistennija ta' dan it-tanker taż-żejt, li għandu 44 sena, ġiet posposta għal Marzu 2021;

1.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza fil-Jemen, li ilha għaddejja mill-2015 u li ddeġenerat u saret l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja; ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tiġi solvuta b'mod sostenibbli biss permezz ta' proċess ta' negozjati inklużiv immexxi mill-Jemen u taħt responsabbiltà tal-Jemen li jkun jinvolvi s-setturi kollha tas-soċjetà Jemenita kif ukoll lill-partijiet kollha fil-kunflitt; jenfasizza li, sabiex tieqaf il-gwerra u tittaffa l-kriżi umanitarja attwali, il-partijiet kollha għandhom jinvolvu ruħhom f'negozjati bona fide li jwasslu għal arranġamenti politiċi u ta' sigurtà vijabbli, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni konġunta tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Appoġġ għall-Ftehim ta' Al-Hudaydah u l-waqfien mill-ġlied globali, kif mitlub mir-riżoluzzjoni 2532 (2020) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

2.

Jinsab ixxukkjat bil-kriżi umanitarja devastanti li qed isseħħ fil-pajjiż; jappella lill-partijiet kollha biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom għall-faċilitazzjoni tal-passaġġ rapidu u mingħajr xkiel għall-għajnuna umanitarja u prodotti oħra indispensabbli għall-popolazzjoni u l-aċċess mingħajr xkiel għall-faċilitajiet mediċi kemm fil-Jemen kif ukoll barra mill-pajjiż; jesprimi allarm partikolari dwar l-aktar valutazzjoni riċenti tal-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel, li turi li 50 000 persuna fil-Jemen qed jgħixu f'kundizzjonijiet simili għal dawk ta' karestija, għadd li huwa mistenni li jittrippla sa Ġunju 2021 anki f'każ li l-livelli attwali ta' assistenza jibqgħu kostanti;

3.

Jilqa' l-kontribut tal-UE għall-Jemen ta' aktar minn EUR 1 biljun f'assistenza politika, umanitarja u għall-iżvilupp mill-2015 'l hawn; jilqa' l-wegħda tiegħu li jittriplika l-għajnuna umanitarja għall-Jemen fl-2021; jinsab imħasseb, madankollu, li dan jibqa' insuffiċjenti biex jindirizza l-iskala tal-isfidi li qed jiffaċċja l-Jemen; jiddeplora l-fatt li fl-2019 id-diskrepanza fil-finanzjament għall-Jemen kibret għal 50 %; ifakkar li l-iskala u s-severità tal-kriżi għandhom ikunu l-punt tat-tluq għad-diskussjonijiet baġitarji; jistieden lill-UE timmobilizza riżorsi addizzjonali biex tindirizza s-sitwazzjoni fil-Jemen bħala parti mill-eżerċizzju ta' programmazzjoni tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali; iħeġġeġ, b'mod aktar ġenerali, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jmexxu l-isforzi internazzjonali biex iżidu b'mod urġenti l-għajnuna umanitarja, inkluż billi jissodisfaw il-wegħdiet li saru matul il-konferenza tad-donaturi ta' Ġunju 2020 għall-Pjan ta' Risposta Umanitarju tal-Jemen;

4.

Jenfasizza l-fatt li t-tixrid tal-COVID-19 joħloq sfidi serji addizzjonali għall-infrastruttura tas-saħħa tal-pajjiż, li qed tikkollassa, fejn iċ-ċentri tas-saħħa li huma neqsin minn tagħmir bażiku biex jittrattaw il-COVID-19 u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa m'għandhomx tagħmir protettiv u li fil-parti l-kbira mhux qed jirċievu salarju, fatt li wassal biex ma jirrapportawx għax-xogħol; jappella lid-donaturi internazzjonali kollha biex isaħħu l-għoti ta' għajnuna immedjata bħala sostenn għas-sistema tal-kura tas-saħħa lokali u jgħinuha trażżan it-tixrid tat-tifqigħat fatali attwali fil-Jemen, inklużi l-COVID-19, il-malarja, il-kolera u d-dengue; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiffaċilitaw l-aċċess għall-vaċċini fil-Jemen, inkluż f'kampijiet għal persuni spostati internament, permezz tal-faċilità COVAX, bħala parti mill-isforzi tagħhom biex jiżguraw aċċess ekwu u globali għall-vaċċini kontra l-COVID-19, b'mod partikolari fost dawk l-aktar vulnerabbli;

5.

Jappoġġa l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, biex javvanza l-proċess politiku u jinkiseb waqfien mill-ġlied immedjat fil-pajjiż kollu; jitlob li l-Mibgħut Speċjali jingħata aċċess sħiħ u bla xkiel għal kull parti tat-territorju tal-Jemen; jistieden li l-VP/RGħ u l-Istati Membri kollha jappoġġaw politikament lis-Sur Griffiths bil-għan li tinstab soluzzjoni nnegozjata u inklużiva; jistieden, għal dan il-għan, lill-Kunsill Affarijiet Barranin jirrevedi u jaġġorna l-konklużjonijiet l-aktar riċenti tiegħu dwar il-Jemen tat-18 ta' Frar 2019, biex jirriflettu s-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha jkomplu jiddjalogaw mal-partijiet kollha fil-kunflitt u jtennu li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stokkolma u tal-abbozz ta' dikjarazzjoni politika tan-NU huma passi meħtieġa biex titnaqqas it-tensjoni u jintlaħaq ftehim politiku;

6.

Jinsab konvint li kwalunkwe soluzzjoni fit-tul għandha tindirizza l-kawżi sottostanti tal-instabbiltà fil-pajjiż, kif ukoll tissodisfa t-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi politiċi paċifiċi kollha favur il-ħarsien tas-sovranità, tal-indipendenza u tal-integrità territorjali tal-Jemen; jikkundanna l-indħil barrani fil-Jemen, inkluża l-preżenza ta' truppi u merċenarji barranin fuq il-post; jitlob l-irtirar immedjat tal-forzi barranin kollha, bil-għan li jkun aġevolat id-djalogu politiku fost il-Jemeniti;

7.

Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali u biex itemmu kwalunkwe miżura li taggrava l-kriżi umanitarja attwali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkundannaw bl-aktar mod qawwi l-ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-partijiet kollha fil-kunflitt sa minn tmiem l-2014, inklużi l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija li ħallew eluf ta' vittmi ċivili, aggravaw l-instabbiltà tal-pajjiż u li kellhom fil-mira objettivi mhux militari, bħal skejjel, ġiebja tal-ilma u tiġijiet, u biex jikkundannaw l-attakki tal-Houthi fuq objettivi tal-Arabja Sawdija fit-territorju Jemenit;

8.

Jistieden lill-Arabja Sawdija twaqqaf minnufih l-imblokk tagħha ta' bastimenti li jġorru fjuwil destinat għat-territorji kkontrollati mill-Houthi; itenni li l-partijiet kollha jeħtiġilhom joqogħdu lura b'mod urġenti milli jużaw bħala metodu tal-gwerra t-tattika li biha l-popolazzjoni ċivili titħalla bil-ġuħ, peress li dan jikkostitwixxi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali skont l-Artikolu 8(2)(b)(xxv) tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet fit-Tramuntana u n-Nofsinhar dwar l-użu tal-fjuwil sabiex tittaffa l-kriżi ekonomika, agrikola, tal-ilma, medika, tal-enerġija u tat-trasport, li ġiet amplifikata bl-użu tal-fjuwil bħala arma tal-gwerra ekonomika;

9.

Jikkundanna l-attakki riċenti mwettqa minn Ansar Allah fil-provinċji ta' Ma'rib u Al-Jawf, kif ukoll it-tentattivi ripetuti biex isiru attakki transfruntieri fit-territorju tal-Arabja Sawdija, li jikkompromettu l-isforzi ġenerali tal-komunità internazzjonali biex din il-gwerra bi prokura fil-Jemen tintemm;

10.

Isostni l-miżuri kollha intiżi li jsaħħu l-fiduċja mal-partijiet fil-kunflitt, b'attenzjoni partikolari għal dawk kapaċi li jtaffu minnufih il-bżonnijiet umanitarji, bħall-ftuħ totali mill-ġdid tal-ajruport ta' San'a, l-issuktar tal-ħlas tas-salarji, l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi li jippermettu tħaddim kostanti tal-port marittimu biex jiġu ffaċilitati l-importazzjonijiet ta' fjuwil u ikel, u sforzi biex jiġu fornuti riżorsi u sostenn lill-Bank Ċentrali tal-Jemen; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha jipprovdu pakkett ta' salvataġġ ekonomiku għall-Jemen, inklużi injezzjonijiet ta' munita barranija biex jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija u tar-rijal Jemenit u jipprevjenu żidiet ulterjuri fil-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll id-disponibilità ta' riżervi barranin biex jissussidjaw importazzjonijiet kummerċjali ta' ikel u fjuwil u jħallsu s-salarji pubbliċi;

11.

Jiddeplora n-nuqqas ta' nisa fil-Gvern tal-Jemen il-ġdid – l-ewwel wieħed mingħajr membri nisa f'20 sena – u jistieden lill-Gvern tal-Jemen jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura rappreżentanza, preżenza u parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-isfera politika tal-pajjiż;

12.

Jissottolinja li l-esportaturi tal-armi bbażati fl-UE, li jkebbsu l-kunflitt fil-Jemen, mhumiex konformi ma' diversi kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi, li hija legalment vinkolanti; itenni, għal darb'oħra f'dan ir-rigward, is-sejħa tiegħu għal projbizzjoni madwar l-UE kollha tal-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kull forma ta' tagħmir ta' sigurtà lil membri tal-koalizzjoni, fosthom l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, b'kunsiderazzjoni tal-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-Jemen;

13.

Jinnota d-deċiżjonijiet ta' għadd ta' Stati Membri tal-UE li jimponu projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda; jenfasizza li l-esportazzjoni tal-armi għadha kompetenza nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jwaqqfu l-esportazzjoni tal-armi lill-membri kollha tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà bejn l-Istati Membri u l-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; jikkundanna l-forniment ta' volumi sinifikanti ta' armi u komponenti lill-moviment tal-Houthi minn individwi u entitajiet Iranjani;

14.

Jilqa' l-waqfien temporanju tal-bejgħ tal-armi mill-Istati Uniti lill-Arabja Sawdija użati għall-kunflitt fil-Jemen u ta' pakkett ta' USD 23 biljun ta' ġettijiet F-35 lill-Emirati Għarab Magħquda, kif ukoll it-tħabbira reċenti tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti dwar it-tmiem imminenti tal-appoġġ kollu għal operazzjonijiet offensivi fil-gwerra fil-Jemen, inkluż il-forniment ta' missili ggwidati bi preċiżjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn imġedded tal-Istati Uniti favur riżoluzzjoni diplomatika għall-kunflitt, kif muri mill-ħatra reċenti ta' Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti għall-Jemen;

15.

Jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt fil-Jemen biex jistabbilixxu politika ta' għażla ta' objettivi għal attakki bil-missili u bid-droni, li għandha tikkonforma mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali u jiżguraw li l-Istati Membri jistabbilixxu salvagwardji biex jiżguraw li l-intelligence, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-bażijiet militari ma jintużawx biex jiffaċilitaw il-qtil extraġudizzjarju; itenni t-talba tiegħu biex tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill legalment vinkolanti dwar l-użu ta' droni armati u biex jiġi rispettat id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

16.

Jinsab imħasseb ferm dwar il-preżenza kontinwa ta' gruppi kriminali u terroristiċi fil-Jemen, inklużi Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija u ISIS/Da'esh; jitlob li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni determinata kontra dawn il-gruppi; jikkundanna l-atti kollha mwettqa minn kull organizzazzjoni terroristika;

17.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern il-ġdid tal-Istati Uniti li jirrevoka b'mod urġenti d-deċiżjoni tal-ex-Gvern tal-Istati Uniti li jikklassifika l-moviment tal-Houthi, magħruf ukoll bħala Ansar Allah, bħala Organizzazzjoni Terroristika Barranija u bħala Entità Espressament Identifikata bħala Entità Terroristika Internazzjonali;

18.

Jistieden lill-Kunsill jimplimenta bis-sħiħ ir-riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU billi jidentifika l-individwi li jostakolaw it-twassil ta' għajnuna umanitarja u dawk li jippjanaw, jidderieġu jew iwettqu atti li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, kif ukoll billi jimponi miżuri partikolari kontrihom; ifakkar li minkejja informazzjoni dwar każijiet ripetuti ta' ksur mill-koalizzjoni, miġbura mill-GEE tan-NU, li jipprovdi informazzjoni biex jassisti l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, ebda individwu mill-koalizzjoni ma ġie individwat għal sanzjonijiet mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

19.

Jappella bil-qawwa biex jintemmu l-forom kollha ta' vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, inklużi dawk li jinsabu f'detenzjoni; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tiżgura finanzjament speċifiku biex l-organizzazzjonijiet lokali mmexxija min-nisa u tad-drittijiet tan-nisa jilħqu aħjar lin-nisa, il-bniet u s-superstiti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll għall-programmi ddedikati għall-kisba tar-reżiljenza u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa;

20.

Itenni li huwa imperattiv li jiġu protetti t-tfal u li tiġi żgurata t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jappella, f'dan ir-rigward, lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal bħala suldati fil-kunflitt armat u jkomplu jiżguraw id-demobilizzazzjoni u d-diżarm effettiv tas-subien u l-bniet reklutati jew użati fl-ostilitajiet, u jħeġġiġhom jeħilsu lil dawk maqbuda u jikkooperaw man-NU bil-għan li jimplimentaw programmi effettivi għar-riabilitazzjoni, l-irkupru fiżiku u psikoloġiku u r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

21.

Jappella lill-partijiet kollha biex iwaqqfu minnufih l-attakki kollha fuq il-libertà tal-espressjoni, inkluż permezz tad-detenzjoni, l-għajbien furzat u l-intimidazzjoni, u jirrilaxxaw il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha miżmuma talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

22.

Jinsab imħasseb ferm dwar rapporti li qed tiġi mċaħħda l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, inklużi każijiet ta' diskriminazzjoni, detenzjoni illegali u użu ta' vjolenza, jitlob li d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u tat-twemmin jiġu rispettati u protetti, u jikkundanna d-diskriminazzjoni abbażi tal-appartenenza reliġjuża, b'mod partikolari ta' Nsara, Lhud u minoranzi reliġjużi oħra f'każijiet li jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta' għajnuna umanitarja; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet u t-tmiem tal-persekuzzjoni ta' dawk li jsegwu t-twemmin Baha'i, li bħalissa huma detenuti talli pprattikaw ir-reliġjon tagħhom b'mod paċifiku u jiffaċċjaw akkużi punibbli bil-mewt;

23.

Jiddeplora l-ħsara li saret lill-wirt kulturali Jemenit mill-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inklużi l-Belt Antika ta' San'a u l-belt storika ta' Zabid, u l-ibbumbardjar tal-Mużew Nazzjonali ta' Taiz u s-serq ta' manuskritti u artefatti mil-librerija storika ta' Zabid mill-moviment tal-Houthi; jisħaq fuq il-fatt li l-awturi kollha ta' tali atti jeħtieġ li jinżammu responsabbli ta' għemilhom skont il-Konvenzjoni ta' The Hague tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat; jappella għas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda f'korpi governattivi tal-UNESCO sa tmiem investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar ir-responsabbiltà taż-żewġ pajjiżi fil-qerda tal-wirt kulturali; jitlob li s-Segretarju Ġenerali tan-NU jirreferi lill-Kunsill tas-Sigurtà l-kwistjoni tal-protezzjoni tas-siti kulturali kollha li huma mhedda mill-kunflitt fil-Jemen, bil-ħsieb li tiġi adottata riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni;

24.

Itenni l-ħtieġa urġenti li titwettaq missjoni tan-NU ta' valutazzjoni u tiswija fuq l-FSO Safer, li jinsab abbandunat 'l barra l-port ta' Al-Hudaydah u joħloq riskju immedjat ta' katastrofi ambjentali kbira għall-bijodiversità u għall-għajxien tal-komunitajiet kostali lokali fil-Baħar l-Aħmar; jistieden lill-UE tipprovdi l-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju kollu meħtieġ biex grupp tekniku tan-NU jkun jista' jitla' abbord l-FSO Safer bħala kwistjoni ta' urġenza sabiex jiġi prevenut tixrid ta' żejt li jista' jkun erba' darbiet agħar mit-tixrid storiku tal-Exxon Valdez fl-Alaska fl-1989;

25.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jużaw il-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex iżommu responsabbli lill-awturi kollha ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota l-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta' ġuriżdizzjoni universali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen; jitlob li jiġi applikat ir-Reġim ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem bil-għan li jiġu imposti sanzjonijiet immirati, bħal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, fuq uffiċjali tal-partijiet kollha tal-kunflitt involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi l-Iran, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ġbir ta' evidenza bil-ħsieb li tiġi użata fi prosekuzzjonijiet futuri, u jikkunsidraw l-istabbiliment ta' kummissjoni indipendenti biex tissorvelja dan il-proċess; iqis li l-vittmi ta' delitti atroċi u l-familji tagħhom għandhom jiġu appoġġati biex jiksbu aċċess għall-ġustizzja;

26.

Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jiżgura li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen tibqa' fuq l-aġenda tiegħu billi jkompli jġedded il-mandat tal-GEE tan-NU u jiżgura li jingħata biżżejjed riżorsi biex iwettaq il-mandat tiegħu b'mod effettiv, inkluż il-ġbir, iż-żamma u l-analiżi ta' informazzjoni relatata ma' ksur u reati;

27.

Itenni l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, inkluż fil-Jemen; jemmen li l-individwi responsabbli għal reati bħal dawn għandhom jiġu debitament imħarrka u pproċessati f'qorti tal-ġustizzja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni determinata lejn riferiment mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-sitwazzjoni fil-Jemen lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, u espansjoni tal-lista ta' persuni soġġetti għal sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà;

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Gvern tal-Jemen, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, lill-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda u lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

(1)  ĠU C 11, 13.1.2020, p. 44.

(2)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.

(3)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(4)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.

(5)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 17.

(6)  ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.

(7)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/135


P9_TA(2021)0054

Is-sitwazzjoni fil-Myanmar

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar (2021/2540(RSP))

(2021/C 465/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk tat-22 ta' Novembru 2012 (1), tal-20 ta' April 2012 (2), tal-20 ta' Mejju 2010 (3), tal-25 ta' Novembru 2010 (4), tas-7 ta' Lulju 2016 (5), tal-15 ta' Diċembru 2016 (6), tal-14 ta' Settembru 2017 (7), tal-14 ta' Ġunju 2018 (8), tat-13 ta' Settembru 2018 (9) u tad-19 ta' Settembru 2019 (10),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 u tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar il-Myanmar/Burma,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 biex jiġġeddu l-miżuri restrittivi eżistenti kontra l-Myanmar għal tnax-il xahar ieħor,

wara li kkunsidra s-Sitt Djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar fl-14 ta' Ottubru 2020 permezz ta' vidjokonferenza,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-1 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Myanmar mill-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Frar 2021,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018 (S/2018/250),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) dwar il-Myanmar u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra,

wara li kkunsidra r-rapport tal-UNIFFM tat-22 ta' Awwissu 2019 dwar il-vjolenza sesswali u sessista fil-Myanmar u l-impatt fuq il-ġeneru tal-kunflitti etniċi tiegħu (A/HRC/42/CRP.4),

wara li kkunsidra r-rapporti mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rapporti mill-mekkaniżmu superviżorju tal-ILO,

wara li kkunsidra l-Ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-23 ta' Jannar 2020 dwar it-Talba għall-indikazzjoni ta' miżuri proviżorji ppreżentata mir-Repubblika tal-Gambja fil-kawża li tikkonċerna l-Applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju (il-Gambja vs il-Myanmar),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-missjonijiet diplomatiċi fil-Myanmar tad-29 ta' Jannar 2021 dwar l-appoġġ għat-tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar u l-isforzi biex jiġu promossi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiż,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Frar 2021 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-3 ta' Frar 2021, li fiha kkundannaw il-kolp ta' stat fil-Myanmar,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-5 ta' Frar 2021 dwar il-Myanmar,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, tal-4 ta' Frar 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-president tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-1 ta' Frar 2021 dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar,

wara li kkunsidra l-ICCPR,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar, Tom Andrews,

wara li kkunsidra r-Regola 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

A.

billi, fl-1 ta' Frar 2021, il-militar tal-Myanmar, magħruf bħala t-Tatmadaw, fi ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Myanmar, arresta lill-President Win Myint u l-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, kif ukoll membri ewlenin tal-gvern, ħatfu s-setgħa fuq il-fergħat leġiżlattivi, ġudizzjarji u eżekuttivi tal-gvern permezz ta' kolp ta' stat, u ħarġu stat ta' emerġenza ta' sena;

B.

billi b'reazzjoni għall-kolp ta' stat, faqqgħu protesti f'diversi bliet fil-Myanmar; billi fis-7 ta' Frar 2021, madwar 100 000 persuna ħadu sehem b'mod paċifiku f'dimostrazzjoni kontra l-kolp ta' stat f'Yangon; billi mill-1 ta' Frar 2021, madwar 164 politiku, uffiċjal tal-gvern, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, patrijiet u kittieba ġew arrestati illegalment jew inżammu f'detenzjoni domiċiljari; billi, b'reazzjoni għall-protesti kontinwi, fit-8 ta' Frar il-militar iddikjara l-liġi marzjali fl-akbar bliet tal-pajjiż, impona curfew mil-lejl għan-nhar u pprojbixxa l-laqgħat kollha ta' aktar minn ħames persuni;

C.

billi l-partit tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) ħareġ rebbieħ mill-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-Myanmar fit-8 ta' Novembru 2020, u rebaħ 396 siġġu minn 476 (madwar 83 % tas-siġġijiet kollha disponibbli); billi dawn kienu t-tieni elezzjonijiet ikkontestati wara kważi 50 sena ta' dittatorjat militari, billi l-Partit għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp tal-Unjoni (USDP) appoġġat mit-Tatmadaw rebaħ biss 33 siġġu; billi l-partit NLD kompla jżid is-sehem tal-vot tiegħu mill-elezzjonijiet tal-2015, li kienu l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fil-Myanmar mill-1990, fejn l-NLD rebaħ 360 siġġu u l-USDP rebaħ 41; billi l-militar kien diġà rrifjuta li jirrikonoxxi l-elezzjonijiet tal-1990 li fihom l-NLD rebaħ 392 mill-492 siġġu;

D.

billi l-għadd ta' votanti fl-elezzjonijiet demokratiċi kollha kien konsistentement madwar 70 %, li juri l-appoġġ tal-poplu tal-Myanmar għad-demokrazija;

E.

billi l-Parlament il-ġdid kellu jiltaqa' għall-ewwel darba fil-jum tal-kolp ta' stat; billi l-kolp ta' stat militari jinjora r-rieda espressa demokratikament tal-poplu tal-Myanmar, u jirrifletti l-intenzjoni tat-Tatmadaw li għal darb'oħra ħataf il-poter sħiħ fuq il-Myanmar, bħalma ġara matul it-tmexxija militari tiegħu – li uffiċjalment intemmet fl-2012, iżda li fir-realtà ma ntemmet qatt; billi t-Tatmadaw iddikjara li se jsiru elezzjonijiet ġodda wara l-istat ta' emerġenza ta' sena li issa ġie impost, li jimplika nuqqas ta' rappreżentanza parlamentari matul dan il-perjodu;

F.

billi minkejja l-kolp ta' stat, fl-4 ta' Frar 2021, 70 Membru Parlamentari eletti ħadu l-ġurament parlamentari fil-kariga, filwaqt li wiegħdu li jkomplu jwettqu l-funzjoni tal-parlament u li jwettqu l-mandat tagħhom bħala rappreżentanti tal-poplu;

G.

billi t-Tatmadaw, konxju b'mod ċar mil-livell baxx ta' appoġġ tiegħu fost il-popolazzjoni, irrifjuta li jaċċetta r-riżultati elettorali u rrefera għal frodi mifruxa tal-votanti mingħajr ma ppreżenta l-ebda evidenza; billi l-kummissjoni elettorali u l-osservaturi elettorali tal-Myanmar ma kkonfermawx l-allegazzjonijiet tat-Tatmadaw; billi t-Tatmadaw u l-id politika tiegħu, il-(USDP), żiedu l-allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet elettorali f'dawn l-aħħar ġimgħat, u talbu lill-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni tal-Myanmar biex tintervjeni; billi l-militar jorganizza dimostrazzjonijiet b'appoġġ għall-militar; billi huwa stmat li 1,5 miljun votant minn minoranzi etniċi f'żoni milquta minn kunflitti, il-maġġoranza tagħhom Rohingya, ma tħallewx jipparteċipaw fl-elezzjoni; billi l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Myanmar tiddikjara li r-Rohingya bħala “mhux ċittadini” jew “residenti barranin”, u ċċaħħadhom miċ-ċittadinanza;

H.

billi dan il-kolp ta' stat jikkostitwixxi ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Myanmar tal-2008; billi l-Kostituzzjoni tal-Myanmar tipprevedi li l-President biss jista' effettivament itemm it-tmexxija ċivili; billi l-kolp ta' stat militari tal-1 ta' Frar 2021 għalhekk ma kienx kostituzzjonali peress li l-President Win Myint ġie arrestat illegalment;

I.

billi t-Tatmadaw stabbilixxa lill-Ġeneral Myint Swe bħala president interim; billi l-kap kmandant tal-militar, il-Ġeneral Min Aung Hlaing, li jinsab fuq listi ta' sanzjonijiet internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fil-persekuzzjoni tal-minoranza Musulmana, x'aktarx se jibqa' dak li jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin;

J.

billi sa mill-kolp ta' stat, it-Tatmadaw illimita b'mod sever l-ispazju għas-soċjetà ċivili, u ħareġ restrizzjonijiet severi fuq il-midja, inklużi blackouts sħaħ tal-internet u tal-pjattaformi tal-midja soċjali; billi t-Tatmadaw qed jiġi akkużat minn osservaturi internazzjonali li uża aħbarijiet foloz biex jimmanipula l-opinjoni pubblika dwar il-kolp ta' stat; billi ġew implimentati restrizzjonijiet nazzjonali fuq il-midja soċjali, u t-televiżjoni xxandar esklussivament l-istazzjon televiżiv ta' Myawaddy li huwa proprjetà tal-militar;

K.

billi l-militar kellu drawwa li jimmarġinalizza rivali u kritiċi politiċi billi jakkużahom b'reati arkani; billi Aung San Suu Kyi ġiet arrestata u aktar tard akkużata b'importazzjoni illegali ta' mill-inqas 10 walkie-talkies; billi l-President Win Mytint – li kien tneħħa mill-poter – ġie arrestat fl-1 ta' Frar 2021 talli kiser ir-regolamenti tal-coronavirus ta' emerġenza u jinsab akkużat li laqa' karozza mimlija partitarji matul il-kampanja elettorali s-sena l-oħra; billi jekk jinstabu ħatja, kemm Aung San Suu Kyi kif ukoll Win Myint jistgħu jiffaċċjaw sa tliet snin ħabs; billi ż-żamma ta' rekord kriminali tista' tipprekludihom milli jirritornaw f'kariga pubblika;

L.

billi madwar 100 grupp ingħaqdu mal-Moviment ta' Diżubbidjenza Ċivili, li sejjaħ għal strajkijiet fis-servizz mediku, fost setturi oħra;

M.

billi l-Myanmar għandu storja twila ta' taqbida demokratika u soppressjoni militari; billi mill-indipendenza tiegħu mir-Renju Unit fl-1948, b'mod partikolari matul il-perjodu twil bejn l-1962 u l-2015, il-militar kellu kontroll sod fuq il-poter, li rrestrinġa kwalunkwe progress demokratiku, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u l-inkarċerazzjoni tal-attivisti tal-oppożizzjoni, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi 1991 Aung San Suu Kyi, li kienet taħt detenzjoni domiċiljari matul perjodi kbar bejn l-1989 u l-2010;

N.

billi l-kostituzzjoni attwali daħlet fis-seħħ fl-2008, u billi, qabel l-elezzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qajmu tħassib minħabba li tiggarantixxi 25 % tas-siġġijiet fil-parlament lit-Tatmadaw u b'hekk effettivament tagħti lill-militar is-setgħa li jagħmel veto għal kwalunkwe bidla kostituzzjonali ulterjuri, li għandha tirrikjedi 75 % tal-voti; billi l-kostituzzjoni tkompli tiżgura li t-Tatmadaw iżomm kontroll sħiħ tal-forzi tas-sigurtà, il-pulizija, u l-Ministeri tal-Affarijiet Interni, tad-Difiża u tal-Fruntieri;

O.

billi wara sensiela ta' protesti u taqbidiet interni, il-pajjiż beda jinfetaħ gradwalment b'mod demokratiku fil-bidu tas-snin 2010, li wassal għal żieda fil-libertajiet ċivili, inkluż progress demokratiku kajman, viżibbli permezz tal-elezzjonijiet ġenerali tal-2015 kif ukoll sensiela ta' elezzjonijiet sekondarji li kollha ntrebħu l-aktar mill-oppożizzjoni NLD;

P.

billi minħabba din is-sitwazzjoni ġenerali delikata, il-Myanmar, filwaqt li għandu gvern semidemokratiku u ċivili sa mill-2015, baqa' fi stat fraġli u mimli tensjoni, peress li l-forzi favur id-demokrazija u t-Tatmadaw, minkejja l-fehmiet kondiviżi l-aktar dwar ċerti proġetti ta' żvilupp ekonomiku u riformi ekonomiċi, kellhom viżjonijiet fundamentalment differenti dwar it-triq futura tal-pajjiż;

Q.

billi l-ftuħ demokratiku fil-Myanmar, li ilu jseħħ mill-2010, kien fil-biċċa l-kbira mmotivat mill-bżonn li l-pajjiż jiżviluppa ekonomikament, peress li kien qed ibati minħabba sanzjonijiet internazzjonali stretti b'riżultat tal-ħakma militari tiegħu u s-sitwazzjoni devastanti tad-drittijiet tal-bniedem; billi bħala riżultat ta' riformi demokratiċi kawti, ċerti sanzjonijiet internazzjonali ġew revokati b'mod kajman, li għalhekk ippermetta l-iżvilupp ekonomiku, u kien ta' benefiċċju għal partijiet kbar tal-popolazzjoni tal-Myanmar; billi l-kolp ta' stat jerġa' joħloq is-sitwazzjoni ta' qabel il-proċessi ta' demokratizzazzjoni u jdgħajjef il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' preferenzi “Kollox ħlief Armi” (EBA) u t-treġġigħ lura tas-sanzjonijiet;

R.

billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment kontra l-minoranza Musulmana fil-Myanmar – speċjalment ir-Rohingya – li l-gvern tal-Myanmar naqas milli jirrikonoxxi bħala grupp etniku ta' pajjiżu, kompla għaddej wara l-ftuħ demokratiku u traġikament laħaq il-qofol tiegħu fl-atroċitajiet li twettqu fl-2017, u li n-NU kkaratterizzat bħala tindif etniku, u wassal għal eżodu massiċċ ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh; billi l-minoranza Rohingya, minkejja bosta appelli mill-komunità internazzjonali, għadha tiġi ppersegwitata fil-Myanmar sal-ġurnata tal-lum;

S.

billi l-appelli internazzjonali biex jieqaf it-tindif etniku tar-Rohingya u biex titjieb is-sitwazzjoni tagħhom ġew fil-biċċa l-kbira injorati mill-gvern tal-Myanmar; billi konsegwentement, f'Settembru 2019 il-Parlament spiċċa biex issospenda lil Aung San Suu Kyi, li dak iż-żmien kienet Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Myanmar, mill-komunità tiegħu tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov għad-drittijiet tal-bniedem talli naqset milli tieħu azzjoni kontra dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem dokumentat sew; billi minn dak iż-żmien 'l hawn inħarġu sanzjonijiet internazzjonali kontra l-militar u l-Kap Kmandant, il-Ġeneral Min Aung Hlaing, fost persuni oħra, minħabba ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

T.

billi fil-Myanmar hemm diversi gruppi etniċi, inklużi l-popli Rohingya, Karen, Rakhine, Shan u Chin; billi l-kunflitti interni wasslu għall-mewt traġika ta' eluf ta' nies tul dawn l-aħħar għexieren ta' snin; billi l-ġlied li seħħ reċentement fl-Istat ta' Kayin wassal għall-ispostament ta' 4 000 persuna f'Diċembru 2020 biss; billi f'dawn l-aħħar snin, il-militar allegatament wettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet, fosthom stupru u delitti tal-gwerra, li wassal lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tiftaħ investigazzjoni b'attenzjoni speċifika għas-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya; billi l-IIFFMM talbet l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-Ġeneral Min Aung Hlaing għal ġenoċidju fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, kif ukoll għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan;

U.

billi l-Ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-23 ta' Jannar 2020 indikat miżuri proviżorji fil-kawża relatata mal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju u r-Rohingya miġjuba mill-Gambja kontra l-Myanmar; billi l-Gvern tal-Myanmar, li d-difiża tiegħu quddiem il-QIĠ qed titmexxa minn Aung San Suu Kyi, sejjaħ l-allegazzjonijiet ta' ġenoċidju stampa fattwali qarrieqa u mhux kompluta tas-sitwazzjoni; billi l-Gvern tal-Myanmar ħa għadd limitat ta' passi kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' diversi direttivi presidenzjali; billi l-Gvern għad irid jemenda jew jirrevoka liġijiet ewlenin li jiffaċilitaw id-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, inkluża l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza;

V.

billi l-UE konsistentement talbet li dawk responsabbli għal tali delitti jinżammu responsabbli u sponsorjat ir-riżoluzzjonijiet adottati fil-UNHRC tas-27 ta' Settembru 2018 u fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-16 ta' Novembru 2018; billi l-ogħla rappreżentanti militari li ssorveljaw l-attakki kontra r-Rohingya għadhom fil-karigi tagħhom u pparteċipaw fil-kolp ta' stat; billi l-Parlament esprima kemm-il darba l-kundanna tiegħu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi u mifruxa kontra l-popolazzjoni Rohingya;

W.

billi mill-2013 'l hawn, l-Unjoni Ewropea appoġġat politikament u finanzjarjament il-proċess ta' tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar u għamlet sforzi enormi biex tippromwovi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp fil-pajjiż; billi f'Ottubru 2015, l-UE ffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied mal-pajjiż kollu bħala xhud internazzjonali, u dan jirrifletti r-rwol ewlieni tagħha fl-appoġġ għall-proċess ta' paċi; billi l-UE allokat EUR 688 miljun f'appoġġ għall-iżvilupp lill-Myanmar tul il-perjodu 2014 – 2020; billi l-Myanmar jibbenefika minn preferenzi kummerċjali fl-ambitu tal-iskema EBA, li tippermetti aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq uniku tal-UE; billi l-proċess ta' djalogu msaħħaħ fl-ambitu tal-EBA diġà kien tnieda fl-2018, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol;

X.

billi, fit-23 ta' April 2020, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi fuq il-Myanmar b'sena sat-30 ta' April 2021, inklużi ffriżar tal-assi u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar fuq 14-il uffiċjal għoli militari, tal-gwardja tal-fruntiera u tal-pulizija fil-Myanmar responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni Rohingya u kontra minoranzi etniċi fl-irħula u persuni ċivili fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan; billi ma ġiet imposta l-ebda miżura restrittiva fuq il-Ġeneral Min Aung Hlaing jew fuq il-Viċi Kap Kmandant, il-Ġeneral Soe Win;

Y.

billi huwa stmat li fl-Istat ta' Rakhine għad hemm madwar 600 000 Rohingya li qed jiġu soġġetti għal politiki u prattiki diskriminatorji persistenti, ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali tagħhom, arresti arbitrarji, konfinament f'kampijiet iffullati żżejjed, nuqqas ta' libertà ta' moviment u aċċess limitat ħafna għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

Z.

billi l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) kien ittrasferixxa USD 350 miljun f'finanzjament ta' emerġenza għall-coronavirus lill-Myanmar ġimgħa qabel il-kolp ta' stat;

AA.

billi t-Tatmadaw u l-ġenerali tiegħu qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta' korruzzjoni mifruxa u huma involuti sew fl-ekonomija tal-Myanmar peress li għandhom sjieda ta' konglomerati b'saħħithom, jikkontrollaw il-kummerċ tal-pajjiż fi prodotti prezzjużi bħall-ġada u l-injam, jimmaniġġjaw infrastruttura bħal portijiet u digi, u jmexxu banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni, sptarijiet, gyms u l-midja; billi l-kolp ta' stat militari jpoġġi f'riskju l-involviment kontinwu tal-finanzi, it-turiżmu u l-investimenti internazzjonali;

AB.

billi l-kolp ta' stat intlaqa' b'kundanna, kritika u tħassib minn firxa wiesgħa ta' atturi internazzjonali bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja u l-Kanada; billi l-Presidenza tal-ASEAN ħarġet dikjarazzjoni li fiha ħeġġet “id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u r-ritorn għan-normalità”; billi fil-5 ta' Frar 2021 il-President Indoneżjan Joko Widodo u l-Prim Ministru Malasjan Muhyiddin Yassin talbu laqgħa dedikata tal-ASEAN dwar il-kwistjoni;

AC.

billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Guterres sejjaħ il-kolp ta' stat “assolutament inaċċettabbli”; billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha esprima “tħassib serju” dwar il-kolp ta' stat militari fil-Myanmar u appella għall-ħelsien immedjat tal-mexxejja eletta tal-pajjiż, Aung San Suu Kyi, u l-President Win Myint; billi ċ-Ċina u r-Russja pprevenew l-adozzjoni ta' test aktar b'saħħtu min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; billi fis-7 ta' Frar 2021, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-Myanmar Tom Andrews ippubblika dikjarazzjoni li fiha ħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU – fost partijiet ikkonċernati oħra – biex ilaqqa' Sessjoni Speċjali minnufih;

AD.

billi, fl-14 ta' Novembru 2019, l-Awla Preliminari III tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ddeċidiet li tawtorizza investigazzjoni dwar id-delitt ta' deportazzjoni ta' persuni Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; billi skont l-aħħar rapport tal-UNIFFM tas-16 ta' Settembru 2019, l-azzjonijiet tal-Gvern tal-Myanmar għadhom parti minn attakk mifrux u sistematiku kontra l-persuni Rohingya li fadal fl-Istat ta' Rakhine li jammonta għal persekuzzjoni u delitti oħra kontra l-umanità;

1.

Jesprimi s-simpatija u l-appoġġ tiegħu għall-poplu tal-Myanmar fil-ġlieda paċifika u leġittima tiegħu għad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta' stat militari tal-1 ta' Frar 2021 orkestrat mit-Tatmadaw, taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Min Aung Hlaing, u jistieden lit-Tatmadaw jirrispetta bis-sħiħ l-eżitu tal-elezzjonijiet demokratiċi ta' Novembru 2020 u, sabiex ma jitpoġġiex f'periklu l-progress demokratiku kollu miksub f'dawn l-aħħar snin, idaħħal lura minnufih lill-gvern ċivili, itemm l-istat ta' emerġenza, u jippermetti lill-parlamentari eletti kollha jassumu l-mandati tagħhom sabiex jiġu restawrati l-ordni kostituzzjonali u n-normi demokratiċi; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex ma jirrikonoxxux it-tmexxija militari tal-Myanmar, inklużi l-Ġeneral Min Aung Hlaing, il-Ġeneral Soe Win, u l-aġent President Myint Swe, u biex jaġixxu kif xieraq;

3.

Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-President Win Myint, il-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, u dawk kollha li ġew arrestati illegalment bl-iskuża ta' elezzjonijiet foloz jew riżultati elettorali frawdolenti jew akkużi infondati oħra bla ebda mertu; ifakkar lit-Tatmadaw li tali allegazzjonijiet ikomplu jnaqqsu l-kredibbiltà domestika u internazzjonali tiegħu; jissottolinja li l-militar tal-Myanmar irid jiċċara fuq liema bażi ġuridika saru dawk l-arresti u li jrid jiggarantixxi wkoll li d-drittijiet tal-persuni arrestati jiġu rispettati bis-sħiħ, inkluża l-protezzjoni kontra l-maltrattament, u li jkollhom aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u għall-familji tagħhom;

4.

Jiddenunzja r-repressjoni tat-Tatmadaw fuq attivisti indipendenti, il-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wara l-kolp ta' stat; jitlob il-ħelsien immedjat tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-patrijiet u l-ġurnalisti kollha arrestati sempliċement talli esprimew dissens, u jinsisti li d-dritt tagħhom li jipprotestaw b'mod paċifiku kontra dan il-kolp ta' stat illeġittimu ma jistax jiġi ostakolat u li l-persuni ċivili ma jistgħu jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' rappreżalja;

5.

Jilqa' l-organizzazzjoni tat-tieni elezzjonijiet ġenerali demokratiċi fil-Myanmar tat-8 ta' Novembru 2020 u jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jirrispettaw b'mod strett ir-rieda tal-poplu tal-Myanmar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jerġgħu jibdew it-tranżizzjoni demokratika tal-Myanmar; jinsisti li ż-żewġ kmamar tal-Assemblea tal-Unjoni jitlaqqgħu minnufih biex jingħata lok għall-inawgurazzjoni tagħhom u l-ħatra tal-ogħla tmexxija tal-pajjiż, inklużi l-president, il-viċi presidenti u l-gvern ċivili l-ġdid, b'mod kompletament trasparenti u demokratiku; itenni l-offerta magħmula mill-VP/RGħ, li fiha ddikjara li l-Unjoni Ewropea kienet lesta tappoġġa djalogu mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha li jixtiequ jsolvu s-sitwazzjoni in bona fide u jirrestawraw l-ordni kostituzzjonali fil-Myanmar;

6.

Jistieden lit-Tatmadaw jirrispetta r-riżultat elettorali ġenerali tat-8 ta' Novembru 2020, itemm immedjatament l-istat ta' emerġenza u jgħaddi s-setgħa lill-awtoritajiet ċivili eletti; ifakkar li kwalunkwe allegazzjoni ta' irregolaritajiet elettorali trid tkun appoġġata b'evidenza u investigata b'mezzi demokratiċi xierqa, b'rispett sħiħ tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet leġittimi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni attwali, kif maħtura mit-Tatmadaw fit-3 ta' Frar 2021, hija illeġittima u ma tista' tiċċertifika l-ebda riżultat elettorali tal-imgħoddi u futur; jinsisti li l-Kummissjoni Elettorali tal-Unjoni preċedenti trid terġa' tiġi stabbilita mingħajr dewmien;

7.

Iħeġġeġ lill-militar u lill-Gvern elett b'mod leġittimu tal-Myanmar taħt il-President Win Myint jibdew proċess ħieles u ġust ta' abbozzar u implimentazzjoni ta' kostituzzjoni ġdida flimkien mal-poplu tal-Myanmar, sabiex ikun hemm demokrazija reali u stat li jaħdem għall-benessri u l-prosperità tal-poplu kollu fil-Myanmar, li tiggarantixxi b'mod speċifiku r-rikonoxximent u r-rappreżentanza tal-gruppi etniċi kollha fil-Myanmar inklużi r-Rohingya, u li tiżgura s-sigurtà, il-libertà, l-armonija u l-paċi għal kulħadd;

8.

Jikkritika bil-qawwa l-limitazzjoni tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, u f'dan id-dawl jikkundanna bil-qawwa wkoll is-soppressjoni tal-libertà tal-midja permezz ta' blackouts fuq l-internet kif ukoll restrizzjoni u imblukkar ta' pjattaformi tal-midja soċjali bħal Facebook u Twitter;

9.

Jissottolinja li l-blackouts fuq it-telekomunikazzjoni huma ta' theddida addizzjonali għall-popolazzjoni u dan, flimkien mal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa kif ukoll mal-kunflitt intern attwali bl-involviment ta' gruppi armati, ipoġġi lill-popolazzjoni ċivili f'riskju f'diversi partijiet tal-pajjiż; jenfasizza, għalhekk, li s-servizzi kollha tat-telefonija u tal-internet jerġgħu jibdew jiffunzjonaw minnufih;

10.

Jenfasizza d-dikjarazzjoni magħmula mill-VP/RGħ li fiha qal li l-Unjoni Ewropea tistenna li s-sikurezza taċ-ċittadini kemm tal-Myanmar kif ukoll tal-Istati Membri tagħha tiġi żgurata f'kull mument u li l-UE tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li d-demokrazija tirbaħ;

11.

Ifaħħar lill-poplu tal-Myanmar, li sofra għexieren ta' snin ta' ħakma militari u, minkejja li bbenefika biss minn libertajiet demokratiċi limitati, qed ikompli bil-missjoni tiegħu għal Myanmar demokratiku, u jfaħħru fir-rigward taċ-ċifra impressjonanti ta' madwar 70 % tal-elettorat li ħareġ jivvota fl-elezzjonijiet tal-2020, li hija indikatur ċar tax-xewqa taċ-ċittadini li jipparteċipaw fit-tmexxija demokratika ta' pajjiżhom;

12.

Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-demokrazija fil-Myanmar u jistieden lill-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jkomplu bl-isforzi mmirati lejn l-avvanz tas-soċjetà ċivili, minkejja l-limitazzjonijiet attwali u possibbilment kontinwi imposti mill-gvern militari attwali;

13.

Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma fundamentali sabiex ikun hemm tkabbir ekonomiku u prosperità sostenibbli u verament inklużivi;

14.

Itenni li, minkejja li naqset milli tikkundanna b'mod adegwat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranzi fil-Myanmar, Aung San Suu Kyi tibqa' s-simbolu tal-poplu tal-Myanmar fejn jidħlu l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet demokratiċi għal futur aktar ġust u demokratiku;

15.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-livell ta' informazzjoni falza u manipulata ċċirkolata mit-Tatmadaw fil-Myanmar, u jqis il-preżenza dejjem akbar ta' tali “aħbarijiet foloz” fil-Myanmar bħala xejra inkwetanti;

16.

Ifakkar li l-Myanmar jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-iskema EBA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament SĠP bil-ħsieb li jiġu sospiżi l-preferenzi kummerċjali li l-Myanmar, u speċjalment il-kumpaniji proprjetà tal-membri tal-militar, jibbenefika minnhom f'setturi speċifiċi, u żżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq it-Tatmadaw u jieħdu kwalunkwe miżura għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-awtoritajiet eletti jirritornaw fil-poter; jistieden lill-Kummissjoni, mingħajr l-esklużjoni ta' ebda miżura possibbli inkluża t-tħejjija ta' sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-kolp ta' stat, tħejji miżuri punittivi gradwali biex tirreaġixxi b'mod adegwat għall-ksur eżistenti u għal kwalunkwe ksur ulterjuri possibbli, filwaqt li tqis l-effetti pożittivi tal-preferenzi kummerċjali mogħtija preċedentement fuq is-soċjetà ċivili u l-ekonomija ċivili;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti b'urġenza pariri lin-negozji bbażati fl-UE filwaqt li twissihom dwar ir-riskji għad-drittijiet tal-bniedem u għar-reputazzjoni tagħhom u dwar ir-riskji ġuridiċi li jieħdu meta jinnegozjaw mal-militar tal-Myanmar; iħeġġeġ bil-qawwa lin-negozji bbażati fl-UE jwettqu diliġenza dovuta bir-reqqa dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li ma għandhom l-ebda rabta mal-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar, mal-membri individwali tagħhom, jew mal-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u li mhumiex qed jikkontribwixxu, direttament jew indirettament, għar-repressjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem mill-militar; jistieden lill-impriżi bbażati fl-UE, inklużi l-kumpaniji omm u s-sussidjarji, jerġgħu jevalwaw b'mod urġenti r-rabtiet kummerċjali tagħhom fil-Myanmar u jissospendu kwalunkwe relazzjoni ma' kumpaniji konnessi mal-militar; jirrimarka t-tħejjijiet attwali għal leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva li timponi obbligi ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-kumpaniji tal-UE u l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku, li tiżgura li l-kumpaniji li jikkontribwixxu jew li għandhom rabtiet ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fil-Myanmar jinżammu responsabbli f'konformità mad-dritt nazzjonali;

18.

Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali l-oħra jiskrutinizzaw mill-qrib l-attivitajiet finanzjarji tat-Tatmadaw u l-membri tiegħu u jiddefinixxu x'tip ta' miżuri xierqa jistgħu jittieħdu f'każ li s-sitwazzjoni fil-Myanmar ma titjiebx jew saħansitra tmur għall-agħar;

19.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jrawmu koordinazzjoni internazzjonali sabiex jipprevjenu kwalunkwe merkanzija mhux awtorizzata milli tiġi esportata illegalment mill-Myanmar, li tibbenefika b'mod speċifiku lill-militar ekonomikament, u jtemmu l-produzzjoni ta' oġġetti illegali, speċjalment l-isfruttament ta' riżorsi naturali bħall-injam maħsud b'mod illegali;

20.

Jistieden lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid, u possibbilment jemenda, l-embargo tal-armi tal-UE fuq il-Myanmar biex jiżgura li t-tagħmir ta' sorveljanza u l-prodotti ta' użu doppju li jistgħu jintużaw mill-militar fir-repressjoni tiegħu tad-drittijiet u tad-dissidenti jkunu koperti mill-embargo;

21.

Jistieden lill-UE tkompli bil-programmi li jgħinu liċ-ċittadini tal-pajjiż u żżid l-appoġġ fejn meħtieġ fid-dawl tal-kriżi attwali, inklużi l-assistenza umanitarja u l-inizjattivi ta' appoġġ għad-demokrazija; ifaħħar id-deċiżjoni tal-1 ta' Lulju 2020 mill-Awstrija, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Polonja li jissospendu l-ħlas lura tad-dejn ta' USD 98 miljun mill-Myanmar biex jgħinu lill-pajjiż jiġġestixxi l-impatt serju tal-pandemija tal-COVID-19; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tingħatax permezz ta' mezzi tal-gvern tal-Myanmar, li issa jinsabu f'idejn it-Tatmadaw;

22.

Huwa tal-fehma li l-ASEAN tista' sservi bħala mezz ta' għajnuna mill-komunità internazzjonali lill-Myanmar jekk dan ikun meħtieġ, kif ġara wara li ċ-ċiklun Nargis qered lill-Myanmar fl-2008; iħeġġeġ ukoll lill-ASEAN tieħu rwol attiv fil-medjazzjoni tal-kriżi attwali fil-Myanmar; jemmen li l-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali jistgħu jkunu għodda effettiva biex l-ASEAN tappoġġa l-konsolidazzjoni demokratika fl-Istati Membri tagħha, peress li dawn il-missjonijiet jagħtu livell addizzjonali ta' leġittimità lill-proċess elettorali;

23.

Jistieden lill-VP/RGħ jikkollabora mill-qrib ma' sħab tal-istess fehma, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indja, l-Awstralja, il-Kanada u, b'mod partikolari, il-membri tal-ASEAN, u jaħdem mill-qrib magħhom fis-simplifikazzjoni ta' pożizzjonijiet u inizjattivi sabiex issir ħidma lejn ir-ritorn ta' gvern ċivili fil-Myanmar mill-aktar fis possibbli;

24.

Jitlob li l-osservaturi umanitarji internazzjonali, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, u l-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC, jingħataw aċċess immedjat u mingħajr xkiel għat-territorju kollu tal-Myanmar; jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra dwar il-Myanmar;

25.

Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li titlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jadotta, mill-aktar fis possibbli, riżoluzzjoni li tiddenunzja l-kolp ta' stat mit-Tatmadaw u timponi konsegwenzi ċari, vinkolanti u infurzabbli jekk it-Tatmadaw ikompli jikser il-proċessi demokratiċi;

26.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar il-Myanmar fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC;

27.

Jistieden ukoll liċ-Ċina u lir-Russja jinvolvu ruħhom attivament fid-diplomazija internazzjonali u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jistennihom jiżvolġu rwol kostruttiv fl-iskrutinju tas-sitwazzjoni fil-Myanmar;

28.

Ifaħħar lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, għall-kliem iebes dwar l-azzjonijiet tal-militar tal-Myanmar, u jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-ASEAN dwar l-iżviluppi fir-Repubblika tal-Unjoni tal-Myanmar, li fiha enfasizzat l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-protezzjoni tagħhom;

29.

Ifakkar fin-natura multietnika tal-Myanmar u jħeġġeġ lit-Tatmadaw jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet inaljenabbli ta' kull etniċità, u jissottolinja li l-Unjoni Ewropea se tkompli tissorvelja mill-qrib l-azzjonijiet tat-tmexxija militari fir-rigward tal-minoranzi tagħha, b'mod partikolari r-Rohingya, li diġà sofrew krudeltà enormi fil-passat; jesprimi, f'dan ir-rigward, il-gratitudni u r-rispett tiegħu lill-gvern u l-poplu tal-Bangladesh li laqgħu u għadhom jospitaw madwar miljun rifuġjat Rohingya mill-Myanmar; jissottolinja fermament li l-Myanmar fl-aħħar mill-aħħar iġorr ir-responsabbiltà għal dawn ir-rifuġjati u jeħtieġlu jiżgura li jiġu rimpatrijati u riintegrati b'mod sikur, uman u ordnat fil-Myanmar; jappella għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel għall-Myanmar;

30.

Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur kollu passat u preżenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi u mifruxa, inklużi l-każijiet ta' qtil, fastidju, stupru u qerda ta' proprjetà li, skont ir-rekords tal-UNIFFM u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), jammontaw għal ġenoċidju, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-forzi armati kontra l-popolazzjoni Rohingya; jisħaq li t-Tatmadaw konsistentement naqas milli jirrispetta d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

31.

Jilqa' l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tas-sanzjonijiet tal-2018 mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE kontra persunal militari u uffiċjali mit-Tatmadaw, gwardja tal-fruntiera u pulizija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni Rohingya, u jistenna li dawk l-individwi jkunu soġġetti għal rieżami kostanti taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet;

32.

Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kap Prosekutur tal-QKI li jiftaħ investigazzjoni preliminari dwar delitti mwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya u għal kwalunkwe inizjattiva xierqa li tikkontribwixxi biex dawk responsabbli għall-atroċitajiet, inklużi l-Ġeneral Min Aung Hlaing u l-Ġeneral Soe Wen, jagħtu kont ta' għemilhom;

33.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jemenda l-mandat tal-iskema attwali ta' miżuri restrittivi biex jinkludi l-ksur tad-demokrazija, u jestendi s-sanzjonijiet immirati għat-tmexxija sħiħa tal-militar tal-Myanmar, inklużi dawk kollha involuti fil-kolp ta' stat u entitajiet ġuridiċi oħra li huma proprjetà diretta ta' dawk involuti fil-kolp ta' stat;

34.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir it-tmexxija murija mill-UE fl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Indipendenti għall-Myanmar (IIMM) tan-NU sabiex tinġabar u tiġi kkonsolidata, ippreservata u analizzata l-evidenza tal-ksur u d-delitti internazzjonali l-aktar serji mwettqa fil-Myanmar mill-2011; iħeġġeġ lill-Myanmar jikkoopera mal-isforzi internazzjonali biex tiġi żgurata l-akkontabbiltà, inkluż billi finalment jagħti aċċess sħiħ lill-IIMM għall-pajjiż; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-IIMM ikollu l-appoġġ meħtieġ, inkluż l-appoġġ finanzjarju, biex iwettaq il-mandat tiegħu;

35.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Myanmar, u jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat djalogu parlamentari adegwat dwar din is-sitwazzjoni importanti u inkwetanti;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President u lill-gvern leġittimi tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit, tal-Ġappun, tal-Indja, tal-Awstralja, tal-Kanada u tal-Istati Membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Pyidaungsu Hluttaw (l-Assemblea Burmiża tal-Unjoni tal-Myanmar), u lill-President, il-Kunsillier tal-Istat u l-forzi armati tal-Myanmar.

(1)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 189.

(2)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 79.

(3)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 154.

(4)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 120.

(5)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.

(6)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.

(7)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 109.

(8)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 80.

(9)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 124.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2019)0018.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/143


P9_TA(2021)0055

Rwanda, il-każ ta' Paul Rusesabagina

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar ir-Rwanda: il-każ ta' Paul Rusesabagina (2021/2543(RSP))

(2021/C 465/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rwanda,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji gwida dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u għall-Assistenza Legali fl-Afrika,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li kien irratifikat mir-Rwanda fl-1975,

wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tal-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri (magħrufa wkoll bħala r-“Regoli Nelson Mandela”), kif riveduti fl-2015,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kampala dwar il-Kundizzjonijiet tal-Ħabs fl-Afrika,

wara li kkunsidra l-ittri tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tat-30 ta' Settembru 2020 lill-Gvernijiet tar-Rwanda u tal-Emirati Għarab Magħquda (EGħM) dwar il-mandati tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Għajbien Sfurzat jew Involontarju, u r-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-Eżami Perjodiku Universali tar-Rwanda tal-25 ta' Jannar 2021 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għal-perjodu 2020-2024,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Human Rights Watch tal-10 ta' Settembru 2020 intitolata “Rwanda: Rusesabagina was forcibly disappeared” (Ir-Rwanda: Rusesabagina kien vittma ta' għajbien sfurzat),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Human Rights Watch tal-1 ta' Frar 2021 intitolata “UN: Countries call out Rwanda's rights record” (NU: Il-pajjiżi jikkundannaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet fir-Rwanda),

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-liġijiet stretti tar-Rwanda dwar il-midja, imposti wara l-ġenoċidju tal-1994, għad għandhom effetti negattivi fuq il-libertà tal-espressjoni taħt il-presidenza ta' Paul Kagame; billi l-gvern arresta, żamm f'detenzjoni u ħarrek lill-kritiċi u lill-avversarji tal-gvern fi proċessi politikament motivati fir-Rwanda, u ripetutament hedded lil oħrajn barra mill-pajjiż, u xi wħud ġew attakkati fiżikament u saħansitra nqatlu;

B.

billi r-Rwanda għandha punteġġ ta' 22/100 (1) għal dak li jikkonċerna l-libertà fuq livell dinji u hija kklassifikata bħala “mhux ħielsa”; billi r-ripressjoni transnazzjonali tar-Rwanda hija eċċezzjonalment wiesgħa f'termini ta' tattiċi, miri u firxa ġeografika u tinkludi t-theddid diġitali, l-attakki spyware, l-intimidazzjoni u l-fastidju tal-membri tal-familja, il-kontrolli tal-mobbiltà, il-konsenja u l-qtil; billi l-gvern attakka fiżikament lir-Rwandiżi f'mill-inqas seba' pajjiżi mill-2014 'l hawn;

C.

billi l-ġenoċidju tat-Tutsis fir-Rwanda, li rriżulta f'bejn 800 000 u 1 miljun vittma, maqtula f'kundizzjonijiet atroċi għall-unika raġuni li kienu Tutsis, u li kien akkumpanjat mill-massakru tal-Hutus kontra din l-esterminazzjoni, għad għandu impatt dejjiemi fuq il-pajjiż u r-reġjun kollu;

D.

billi l-ġenoċidju u l-gwerra ċivili tal-1994 fir-Rwanda għad għandhom impatt negattiv fuq l-istabbiltà tar-reġjun;

E.

billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ċittadin Belġjan u resident tal-Istati Uniti, Paul Rusesabagina, kritiku qawwi tal-President Paul Kagame u tal-partit Front Patrijottiku (RPF) bħalissa fil-gvern, ġie arrestat f'Kigali fil-31 ta' Awwissu 2020 fuq 13-il akkuża li kienu jinkludu l-finanzjament tat-terroriżmu, serq bl-armi, ħtif, ħruq doluż, tentattiv ta' qtil, offiża fuq il-persuna u attakk; billi erbgħa minn dawn l-akkużi tneħħew u l-akkużi li fadal huma relatati ma' avvenimenti li seħħew fid-distrett ta' Nyaruguru f'Ġunju 2018 u fid-distrett ta' Nyamagabe f'Diċembru 2018;

F.

billi s-Sur Rusesabagina kien id-direttur maniġerjali tal-lukanda des Mille Collines f'Kigali matul il-ġenoċidju fl-1994, fejn offra kenn u protezzjoni lil 1 268 Tutsi u Hutu moderat li kienu qed jaħarbu mill-massakru; billi s-Sur Rusesabagina huwa attivist tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxut internazzjonalment li l-istorja tiegħu ġiet rakkontata fil-film Hotel Rwanda; billi fl-2005 huwa ngħata l-Medalja Presidenzjali tal-Libertà għal dawn l-isforzi li ta' min ifaħħarhom;

G.

billi s-Sur Rusesabagina stabbilixxa l-partit politiku PDR-Ihumure fl-2006 u bħalissa jippresiedi l-Moviment għat-Tibdil Demokratiku (MRDC), koalizzjoni li tinkludi l-partit PDR-Ihumure; billi l-Front Nazzjonali għal-Liberazzjoni (FLN), il-fergħa armata tal-PDR-Ihumure, ħa r-responsabbiltà għal sensiela ta' attakki armati fl-2018;

H.

billi fis-27 ta' Awwissu 2020, is-Sur Rusesabagina ġie ttrasferit bil-forza minn Dubai għal Kigali f'ċirkostanzi inċerti u reġa' deher biss fil-31 ta' Awwissu 2020 fil-kwartieri ġenerali tal-Uffiċċju tal-Investigazzjoni tar-Rwanda (RIB); billi l-qorti tar-Rwanda rrappurtat li s-Sur Rusesabagina ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta' Kigali, u dan jikkontradixxi rapport preċedenti tal-pulizija li ddikjara li ġie arrestat permezz ta' “kooperazzjoni internazzjonali”; billi l-awtoritajiet tal-EGħM jiċħdu kwalunkwe involviment fit-trasferiment u l-arrest sussegwenti tiegħu; billi d-detenzjoni u t-trasferiment minn pajjiż għal ieħor b'mod legali ta' persuna suspettata biex tiffaċċja proċedimenti kriminali għandhom jitwettqu permezz ta' proċedimenti ta' estradizzjoni ssorveljati minn qorti indipendenti;

I.

billi s-Sur Rusesabagina ġie miċħud l-aċċess għal avukat tal-għażla tiegħu; billi l-avukati internazzjonali li huwa għażel għad-difiża tiegħu għadhom imċaħħda mill-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex jirrappreżentawh;

J.

billi l-akkuża tas-Sur Rusesabagina, il-fajl tal-kawża u dokumenti oħra meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tiegħu ġew ikkonfiskati fit-23 ta' Diċembru 2020 mid-direttur tal-Ħabs ta' Mageragere; billi d-direttur tal-ħabs tqiegħed taħt arrest fit-8 ta' Frar 2021; billi l-proċess tas-Sur Rusesabagina u 19-il individwu ieħor akkużati b'rabtiet ma' organizzazzjonijiet terroristiċi ġie differit għas-17 ta' Frar 2021; billi r-raġuni uffiċjali pprovduta għal dan id-differiment hija l-inkapaċità tal-Gvern tar-Rwanda li jiltaqa' mal-avukat tiegħu minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19;

K.

billi l-familja tas-Sur Rusesabagina hija estremament imħassba dwar il-kundizzjoni medika tiegħu, peress li huwa superstitu tal-kanċer u jbati minn kundizzjoni kardjovaskulari li għaliha jieħu mediċina preskritta; billi ġie rrappurtat li l-mediċina li l-familja tiegħu bagħtet permezz ta' pakkett diplomatiku tal-Ambaxxata Belġjana fir-Rwanda qatt ma ngħatat lis-Sur Rusesabagina; billi qed jirċievi mediċina preskritta minn tabib Rwandiż mingħajr ma jaf il-kompożizzjoni tagħha;

1.

Jikkundanna l-għajbien sfurzat, il-konsenja illegali u d-detenzjoni f'iżolament ta' Paul Rusesabagina;

2.

Jissottolinja li l-għajbien sfurzat tas-Sur Rusesabagina, mis-27 sal-31 ta' Awwissu 2020, jikser l-obbligi tar-Rwanda skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili (l-Artikoli 6 u 9), il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (l-Artikoli 2 u 16) u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 9);

3.

Ifakkar li l-estradizzjoni ta' kwalunkwe suspettat lejn pajjiż ieħor għandha ssir biss permezz ta' proċedimenti ta' estradizzjoni ssorveljati b'mod indipendenti sabiex tiġi ggarantita l-legalità tat-talba għall-estradizzjoni u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuna suspettata għal proċess ġust ikunu ggarantiti bis-sħiħ fil-pajjiż li qed jagħmel it-talba;

4.

Jiddenunzja r-restrizzjonijiet tal-awtoritajiet Rwandiżi tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-użu arbitrarju tal-arrest preventiv immirati lejn ir-repressjoni tad-dissens, mingħajr ma taw lis-Sur Rusesabagina l-garanziji minimi għal proċess ġust jew ippermettilu kuntatt regolari mal-familja tiegħu;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet tar-Rwanda jipprovdu rendikont komplut u korroborat ta' kif is-Sur Rusesabagina nqabad u ġie ttrasferit lejn Kigali; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali, indipendenti, trasparenti u kredibbli dwar it-trasferiment u l-arrest tas-Sur Rusesabagina;

6.

Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur tad-drittijiet tas-Sur Rusesabagina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Rwanda jippermettu lis-Sur Rusesabagina jkollu smigħ ġust u pubbliku minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali li tapplika l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar lill-Gvern tar-Rwanda fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari l-Artkoli 8 u 96 tiegħu; jistieden lill-ġudikatura Rwandiża biex tiżgura appell pront u ġust għas-Sur Rusesabagina, li jissodisfa l-istandards stabbiliti fil-liġi Rwandiż u dik internazzjonali;

7.

Jitlob li s-Sur Rusesabagina jingħata konsultazzjonijiet kunfidenzjali mal-avukat tal-għażla tiegħu u kuntatt regolari u sigur mal-familja tiegħu; ifakkar lill-awtoritajiet tar-Rwanda li s-Sur Rusesabagina għandu d-dritt li jkollu aċċess sħiħ għall-akkuża, il-fajl tal-kawża u dokumenti oħra sabiex jikkontesta l-legalità tal-arrest tiegħu; ifakkar fil-prinċipju legali tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

8.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istat mediku tas-Sur Rusesabagina, b'mod partikolari peress li l-esponiment għall-COVID-19 jista' jpoġġi ħajtu f'riskju sinifikanti; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiggarantixxi, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-integrità fiżika u l-benessri psikoloġiku tas-Sur Rusesabagina u jippermettilu jieħu l-mediċina tas-soltu tiegħu; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jippermetti li s-sitwazzjoni medika tiegħu tiġi mmonitorjata minn tabib fil-Belġju, kif mitlub mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Belġjan fl-4 ta' Frar 2021; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jkompli jiżgura li l-priġunieri kollha jibbenefikaw minn kura tas-saħħa adegwata;

9.

Jikkundanna l-proċessi politikament motivati, il-proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tar-rivali politiċi u l-antiċipazzjoni tal-eżitu tal-proċessi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rwandiżi jiżguraw is-separazzjoni tas-setgħat amministrattivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lir-Rwanda tiftaħ l-isfera politika tagħha u ttejjeb ir-rekord tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistenna li r-Rwanda timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali tal-pajjiż mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra fil-25 ta' Jannar 2021;

10.

Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta u jappoġġja bis-sħiħ id-dritt tal-protesta, id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, u d-dritt għal-libertà tal-għaqda, u ma jipprovax jirrestrinġi dawk id-drittijiet;

11.

Jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat u l-Istatut ta' Ruma sabiex isir membru tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lir-Rwanda tippermetti lis-Sottokumitat tal-NU għall-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra jerġa' jibda' jwettaq ż-żjarat tiegħu, jistieden lill-awtoritajiet Rwandiżi biex, b'urġenza, jipproċedu bir-rieżami tad-dikjarazzjoni tagħhom li tippermetti lill-individwi u l-NGOs iressqu lmenti quddiem il-Qorti Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u jerġgħu jistabbilixxu u jintroduċu mill-ġdid dik id-dikjarazzjoni;

12.

Jitlob lill-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li l-legalità tal-arrest u tal-proċess tas-Sur Rusesabagina tiġi investigata u li d-drittijiet tiegħu ta' ċittadin tal-UE jiġu rispettati fl-istadji kollha ta' dan il-proċess; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għar-Rwanda, kif ukoll lir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-Ambaxxata tal-Belġju fir-Rwanda, biex jimmonitorjaw il-proċess tas-Sur Rusesabagina, biex iżuru lis-Sur Rusesabagina fil-ħabs, u biex iqajmu l-każ tiegħu fl-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet tar-Rwanda;

13.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħu d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Rwanda fl-ogħla livelli sabiex jiżguraw li l-pajjiż jirrispetta l-impenji bilaterali u internazzjonali tiegħu; jenfasizza li, fil-kuntest tal-ħidma internazzjonali għall-iżvilupp fir-Rwanda, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, u governanza trasparenti u reattiva għandhom jingħataw wisq aktar prijorità;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan, lid-difensuri ta' Paul Rusesabagina, lill-President u lill-Parlament tar-Rwanda.

(1)  Kif irrappurtat mill-Freedom House f'“Freedom in the World 2020” (Il-Libertà fid-Dinja fl-2020).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/147


P9_TA(2021)0056

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (2021/2544(RSP))

(2021/C 465/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan (1) u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, fosthom dawk tat-18 ta' April 2013 (2), tal-15 ta' Marzu 2012 (3) u tas-17 ta' Settembru 2009 (4),

wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, li ġie ffirmat f'Astana fil-21 ta' Diċembru 2015 u li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Marzu 2020 wara r-ratifika tiegħu mill-Istati Membri kollha,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2019 dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-pajjiż dwar il-Każakistan li jinsab fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2019,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura,

wara li kkunsidra s-17-il laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Każakistan tal-20 ta' Jannar 2020, it-12-il laqgħa tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Każakistan li saret fis-26 u s-27 ta' Novembru 2020, u t-18-il laqgħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni UE-Każakistan tal-25 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Każakistan tat-12 ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-1 ta' Frar 2021 dwar il-pressjoni dejjem tikber fuq l-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan, tal-11 ta' Jannar 2021 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Każakistan, u tas-7 ta' Jannar 2021 dwar il-passi għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar is-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet rigward l-elezzjonijiet fil-Każakistan tal-10 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ġew osservati deterjorament inkwetanti tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem u repressjoni fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Każakistan, filwaqt li ġew imposti restrizzjonijiet ħorox fuq id-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fil-Każakistan huma soġġetti għal pressjoni u penalizzazzjoni dejjem akbar mill-awtoritajiet tal-pajjiż, li jfixklu l-isforzi ta' riforma u jillimitaw il-ħidma essenzjali tas-soċjetà ċivili;

B.

billi, fil-21 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan iffirmaw Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) mmirat biex jipprovdi qafas wiesa' għal djalogu politiku msaħħaħ u kooperazzjoni fil-ġustizzja u fl-affarijiet interni u f'bosta oqsma oħra; billi dan il-ftehim jagħmel enfasi qawwija fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-iżvilupp sostenibbli u fuq il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili; billi l-EPCA daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Marzu 2020 wara r-ratifika tiegħu mill-Istati Membri kollha;

C.

billi l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali tagħmel enfasi qawwija fuq l-impenn tal-UE mal-Asja Ċentrali fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, u l-ħolqien ta' ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Ewropea tipprovdi sokkors sostanzjali lill-Każakistan minħabba l-COVID-19, inkluż, riċentement, permezz tal-appoġġ finanzjarju tagħha għal vjeġġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ta' aktar minn 8 000 kg ta' provvisti mediċi fid-29 ta' Jannar 2021;

D.

billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Każakistan tal-10 ta' Jannar 2021 ġew deskritti mis-SEAE bħala opportunità mitlufa biex tintwera l-implimentazzjoni effiċjenti tar-riformi politiċi u l-proċess ta' modernizzazzjoni tiegħu mill-aħħar elezzjonijiet, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet li ilhom jeżistu mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar diversi kwistjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati, fosthom dawk relatati mal-libertajiet fundamentali, l-imparzjalità tal-amministrazzjoni elettorali, l-eliġibbiltà għall-vot u l-kandidatura għall-elezzjonijiet, ir-reġistrazzjoni tal-votanti, il-midja u l-pubblikazzjoni tar-riżultati elettorali; billi skont is-sejbiet preliminari tal-OSKE/ODIHR u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, il-qafas legali fil-Każakistan għadu ma jwassalx għal elezzjonijiet li jkunu konformi mal-istandards internazzjonali;

E.

billi n-nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward tar-rispett għal-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda u ta' espressjoni jkomplu jirrestrinġu x-xena politika, u n-nuqqas ta' kompetizzjoni politika ġenwina u ta' gruppi politiċi tal-oppożizzjoni (ma ġie rreġistrat l-ebda partit ġdid mill-2013), ma ħallew l-ebda għażla ġenwina lill-votanti; billi l-elezzjonijiet demokratiċi huma pedament għall-kisba ta' riformi politiċi u l-bini ta' soċjetà ħielsa u miftuħa;

F.

billi żewġ movimenti tal-oppożizzjoni, il-Koshe Partiyasy u l-Għażla Demokratika tal-Każakistan, ġew ipprojbiti b'deċiżjonijiet sigrieti tal-qorti li ttikkettawhom bħala organizzazzjonijiet “estremisti” mingħajr ebda dritt ta' appell; billi 17-il mexxej tal-Koshe Partiyasy ntbagħtu f'faċilitajiet ta' arrest preventiv skont l-Artikolu 405 u l-Artikolu 182 tal-Kodiċi Kriminali tal-Każakistan u qed jirriskjaw sentenzi twal ta' ħabs; billi l-priġunieri akkużati li appoġġjaw l-Għażla Demokratika tal-Każakistan għadhom qed jiskontaw is-sentenzi ta' ħabs tagħhom; billi 26 priġunier politiku, fosthom Almat Zhumagulov, Aset Abishev, Kenzhebek Abishev, Askhat Zheksebayev, Kairat Klyshev, Yerbol Yeskhozin, Abai Begimbetov, Asel Onlabekkyzy, Yerkin Sabanshiyev, Zhanat Zhamaliyev, Diana Baimagambetova, Noyan Rakhimzhanov u Askar Kayyrbek, sfaw vittmi ta' persekuzzjoni politika b'rabta mal-appoġġ tagħhom għal dawn il-movimenti;

G.

billi l-Partit Demokratiku tal-oppożizzjoni mhux irreġistrat ma tħalliex jipparteċipa f'dawn l-elezzjonijiet, peress li fit-22 ta' Frar 2020 l-awtoritajiet waqqfu lill-partit milli jorganizza l-kungress fundatur tiegħu f'Almaty; billi fin-nuqqas ta' kungress bħal dan partit ma jkunx jista' jirreġistra; billi l-membri tal-Partit Demokratiku ffaċċjaw pressjoni mill-awtoritajiet, peress li xi wħud ġew arrestati għal allegat ksur amministrattiv u oħrajn ma tħallewx jivvjaġġaw lejn il-post tal-kungress;

H.

billi matul il-kampanja elettorali u fil-jum tal-elezzjoni, l-awtoritajiet Każakistani ppruvaw iżidu l-kontroll taċ-ċensura tal-internet, u ripetutament għalqu l-internet u ġiegħlu liċ-ċittadini jinstallaw “ċertifikat tas-sigurtà nazzjonali” li jippermetti l-interċettazzjoni ta' traffiku kriptat fuq l-internet; billi l-kontroll tal-Istat fuq l-internet qed jiżdied, inklużi tentattivi biex jiġi ristrett il-fluss ta' informazzjoni permezz taċ-ċensura u l-kontroll tal-internet u l-għeluq tal-internet, u billi qed ikompli jitlob li ċ-ċittadini jinstallaw “ċertifikat tas-sigurtà nazzjonali” li jippermetti l-interċettazzjoni tat-traffiku online tal-utenti tal-internet;

I.

billi matul il-perjodu tal-kampanja twettqu arresti tal-massa; billi fil-jum tal-elezzjoni l-awtoritajiet żammew illegalment mill-inqas 350 dimostrant paċifiku f'10 ibliet differenti; billi l-awtoritajiet Każakistani regolarment jipprevjenu milli jseħħu protesti paċifiċi li jikkritikaw il-politiki tal-gvern; billi l-liġi dwar l-assemblea paċifika u l-emendi għal-liġijiet dwar il-partiti politiċi u l-elezzjonijiet adottati f'Mejju 2020 jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Każakistan;

J.

billi l-missjoni limitata ta' osservazzjoni elettorali (LEOM) tal-ODIHR irrappurtat li l-ħidma tal-osservaturi indipendenti kienet mgħobbija u mxekkla mill-awtoritajiet, filwaqt li osservaturi favur il-gvern tħallew jimmonitorjaw il-proċess elettorali; billi l-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li għadd konsiderevoli ta' osservaturi indipendenti għall-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-10 ta' Jannar 2021 kienu soġġetti għal intimidazzjoni, arresti amministrattivi u multi;

K.

billi x-xenarju tal-midja fil-Każakistan huwa ddominat minn mezzi tal-midja li huma proprjetà tal-istat jew issussidjati mill-istat; billi bejn Jannar u Lulju 2020, seba' ġurnalisti ġew fiżikament attakkati u 21 ġurnalist, blogger u attivist ġew detenuti, sebgħa minnhom waqt li kienu qed jirrappurtaw; billi fl-2020 l-awtoritajiet ressqu aktar minn 38 każ kriminali kontra ġurnalisti għal allegati reati bħat-tixrid ta' informazzjoni falza u l-inċitament; billi l-gazzetti nazzjonali ewlenin tal-oppożizzjoni kollha ġew ipprojbiti fl-2016 u l-ġurnalisti indipendenti għadhom qed jiffaċċjaw fastidju; billi l-awtoritajiet ressqu akkużi kriminali kontra l-editur kap tal-gazzetta indipendenti Uralskaya Nedelya, Lukpan Akhmedyarov, għar-rapportar tiegħu dwar in-negozjati korrotti tal-elit lokali, u fiżikament attakkaw u żammew lil Saniya Toiken, ġurnalista għas-Servizz Każakistani ta' RFE/RL, bosta drabi għall-kopertura tagħha ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi u l-elezzjonijiet parlamentari tal-2021;

L.

billi minn Frar sa Novembru 2020, ħames attivisti tal-oppożizzjoni nqatlu jew mietu f'ċirkostanzi mhux ċari wara persekuzzjoni politika kontinwa għall-attivitajiet ta' oppożizzjoni tagħhom, jiġifieri blogger u vittma tat-tortura Dulat Agadil, ibnu ta' 17-il sena Zhanbolat Agadil, li kien xhud ewlieni tal-arrest arbitrarju ta' missieru, Amanbike Khairolla, Serik Orazov u Garifulla Embergenov; billi l-awtoritajiet naqsu milli jwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u trasparenti dwar mewthom; billi huwa ta' importanza kbira li dawk responsabbli li jordnaw u jwettqu tali reati jitressqu quddiem il-ġustizzja u li jiġi żgurat li jastjenu milli jippersegwitaw attivisti tas-soċjetà ċivili u membri tal-familja li jfittxu l-verità għall-vittmi; billi l-awtoritajiet Każakistani rażżnu mill-inqas 200 attivist li pparteċipaw fiċ-ċerimonja ta' tifkira għal Dulat Agadil jew organizzaw attivitajiet ta' ġbir ta' fondi għall-familja tiegħu u l-familji ta' priġunieri politiċi oħra; billi 57 minnhom ġew akkużati b'“estremiżmu”, fosthom Dametkan Aspandiyarova, omm ta' tliet itfal, li bħalissa tinsab taħt arrest domiċiljari u qed tiffaċċja sa 12-il sena ħabs taħt akkużi ta' estremiżmu talli organizzat attività ta' ġbir ta' fondi b'appoġġ għall-familja ta' Dulat Agadil;

M.

billi fil-ħabsijiet tal-Każakistan l-użu tat-tortura u t-trattament ħażin kien prevalenti, b'mill-inqas 200 każ ta' inċident ta' tortura rrappurtati kull sena mill-Koalizzjoni Kontra t-Tortura; billi l-awturi ta' tali abbużi gawdew minn impunità filwaqt li d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Elena Semenova ġiet imħarrka mill-kolonji tal-ħabs talli esponiet l-użu tat-tortura fis-sistema penitenzjarja tal-Każakistan fuq il-midja soċjali;

N.

billi minkejja l-appelli mir-Rapporteur (5) Speċjali tan-NU, mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Każakistani jabbużaw minn liġijiet vagi u wiesgħa żżejjed dwar l-estremiżmu biex jippersegwitaw l-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi wara din il-liġi, mit-22 ta' Ottubru 2020, il-jum li fih l-awtoritajiet ħabbru d-data tal-elezzjonijiet, l-għadd ta' każijiet kriminali politikament motivati rdoppja għal 99, speċifikament abbażi ta' akkużi ta' “estremiżmu”; billi 69 minn dawk ikkonċernati jinsabu f'periklu ta' arrest imminenti, bħal fil-każ tal-attivista Gulzipa Dzhaukerova, u 11-il attivist tpoġġew taħt arrest domiċiljari fuq akkużi foloz ta' “estremiżmu”;

O.

billi diversi NGOs indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi ECHO, Erkindik Kanaty, l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Każakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt, u International Legal Legislative, reċentement ingħataw multa qawwija u ġew ordnati jissospendu l-ħidma tagħhom sa tliet xhur mill-25 ta' Jannar 2020, għal raġunijiet legali mhux ċari; billi, b'ritaljazzjoni għat-twettiq ta' attivitajiet ta' sorveljanza, l-awtoritajiet jagħtu fastidju u saħansitra jħarrku b'mod kriminali lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Sholpan Dzhanzakova, Anna Shukeyeva, Raigul Sadyrbayeva, Aizhan Izmakova, Daniyar Khassenov, Altynai Tuksikova, Dana Zhanay, Nazym Serikpekova, Alma Nurusheva, Abaibek Sultanov, Zukhra Nariman, Ulbolsyn Turdiyeva, Aliya Zhakupova, Roza Musayeva u Barlyk Mendygaziyev; billi bejn Ottubru u Novembru 2020 mill-inqas 15-il organizzazzjoni ġew innotifikati li kienu kisru l-Artikolu 460-1 tal-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi talli allegatament naqsu milli jinfurmaw kif xieraq lill-awtoritajiet dwar il-finanzjament barrani li rċevew;

P.

billi fl-2020, 112-il individwu, tliet organizzazzjonijiet tal-karità u kumpanija kummerċjali waħda ġew ikkundannati talli eżerċitaw il-libertà ta' reliġjon jew twemmin tagħhom;

Q.

billi l-korruzzjoni mifruxa fost l-eliti fit-tmexxija tipprevali fil-Każakistan, kif muri mill-fatt li l-pajjiż jikklassifika fl-94 post fl-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2020 ta' Transparency International, u jimpedixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp soċjoekonomiku;

R.

billi f'nofs il-pandemija tal-COVID-19, il-gvern għamel użu ħażin mir-restrizzjonijiet tal-pandemija u użahom bħala skuża biex jintensifika r-repressjoni politika tas-soċjetà ċivili, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, l-ilħna tal-oppożizzjoni u l-ħaddiema mediċi li ddenunzjaw in-nuqqas tal-gvern li jrażżan it-tifqigħa;

S.

billi fil-21 ta' Jannar 2021 żewġ Każakistani etniċi Murager Alimuly u Kaisha Akankyzy, li ħarbu miċ-Ċina u beżgħu li jiġu arrestati f'kampijiet ta' konċentrament, sussegwentement ġew imsawta u qalgħu daqqiet ta' sikkina minn aggressuri mhux magħrufa, u għalhekk trid tingħata biżżejjed attenzjoni lit-tensjonijiet etniċi kontinwi fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Każakistan; billi l-ġlied etniku vjolenti fil-Każakistan għadu għaddej, b'mod partikolari fin-Nofsinhar, fejn fi Frar 2020 il-ġlied bejn il-Każakistani u d-Dungani etniċi ħalla 11-il persuna mejta, għexieren midruba u aktar minn 23 000 persuna, l-aktar Dungani, sfurzati barra minn djarhom;

T.

billi l-awtoritajiet Każakistani abbużaw mill-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni kriminali internazzjonali, inklużi l-Avviżi Ħomor u l-Assistenza Legali Reċiproka (MLA) tal-Interpol, biex jipproċedu u jaħtfu d-dokumenti ta' refuġjat politiku fil-Belġju, l-avukat u d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Bota Jardemalie; billi fid-29 ta' Settembru 2020 il-Qorti Nazzjonali Franċiża tad-Dritt għall-Ażil tat ażil politiku lill-fondatur tal-Partit Għażla Demokratika tal-Każakistan, Mukhtar Ablyazov, li kien ikkundannat minn qorti tal-Każakistan għal għomru l-ħabs in absentia bi ksur tad-dritt tad-difiża, filwaqt li nnotat in-natura sistemika u politika, tal-apparat repressiv tal-Każakistan u l-użu ħażin tiegħu ta' proċedimenti ċivili u kriminali;

U.

billi l-awtoritajiet tal-Każakistan għadhom jattakkaw lit-trade unions indipendenti u lill-attivisti tat-trade unions; billi fl-2020 il-Liġi tat-Trade Unions ġiet emendata, u neħħiet l-affiljazzjoni tat-trade unions u r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni f'żewġ stadji; billi, minkejja dik l-emenda, l-amministrazzjoni tal-belt ta' Shymkent waqqgħet il-kawża tagħha kontra t-Trade Union Industrijali tal-Ħaddiema tal-Fjuwil u l-Enerġija (ITUFEW) abbażi ta' pretensjonijiet jew dispożizzjonijiet mhux sostanzjati li ma għadhomx jeżistu jew li ma japplikawx għall-ITUFEW;

V.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha problema fil-Każakistan; billi l-NGOs jiddikjaraw li l-vjolenza kontra n-nisa hija sottorappurtata, u li hemm rata baxxa ta' prosekuzzjonijiet f'dawn il-każijiet kif ukoll f'każijiet ta' fastidju sesswali; billi skont in-NU l-COVID-19 ħoloq ostaklu ġdid għall-bniet biex ikollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni u l-edukazzjoni; billi l-vittmi ma għandhomx biżżejjed protezzjoni, u l-uffiċjali ġudizzjarji u tal-pulizija u l-fornituri tas-servizzi mhumiex imħarrġa biex jidentifikaw, jipprevjenu u jirreaġixxu għall-vjolenza kontra n-nisa;

W.

billi l-persuni LGBTI fil-Każakistan jiffaċċjaw sfidi legali u diskriminazzjoni; billi l-Parlament tal-Każakistan adotta emendi diskriminatorji għall-kodiċi tas-saħħa l-ġdid f'Ġunju 2020 li jirregolaw l-aspetti tal-kura tas-saħħa għall-persuni transġeneru; billi l-proċess biex tinbidel l-identità tal-ġeneru fil-Każakistan għadu invażiv u umiljanti;

1.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jaġixxi skont l-obbligi internazzjonali tiegħu u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif minquxa fl-Artikoli 1, 4, 5 u 235 tal-EPCA; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan jikkonformaw mal-istandards internazzjonali fir-rispett tal-qafas ġuridiku għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-LEOM tal-ODIHR, inklużi dawk li jikkonċernaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti b'mod kostituzzjonali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-pluraliżmu politiku, l-imparzjalità tal-amministrazzjoni elettorali, l-eliġibilità għall-votazzjoni u l-kandidatura għall-elezzjonijiet, ir-reġistrazzjoni tal-votanti, il-midja u l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet;

2.

Jistieden lill-Gvern tal-Każakistan iwaqqaf akkużi politikament motivati u jtemm il-forom kollha ta' detenzjoni arbitrarja, rappreżalji u fastidju kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet reliġjużi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, trade unions, ġurnalisti u movimenti tal-oppożizzjoni politika, u biex jippermetti lin-nies jesprimu liberament il-fehmiet politiċi, reliġjużi u oħrajn tagħhom; jistieden lill-gvern jemenda l-liġi l-ġdida dwar l-assemblea paċifika sabiex din il-libertà tkun garantita;

3.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jeħles minnufih u jirriabilita bis-sħiħ lill-priġunieri politiċi kollha, b'mod partikolari lil Almat Zhumagulov, lil Aron Atabek, lil Nurgul Kaluova, lil Saltanat Kusmankyzy, lil Daryn Khassenov, lil Ulasbek Akhmetov, lil Kenzhebek Abishev, lil Yerzhan Yelshibayev, lil Aset Abishev, lil Igor Chuprina, lil Ruslan Ginatullin, lil Askhat Zheksebayev, lil Kairat Klyshev, lil Yerbol Yeskhozin, lil Abai Begimbetov, lil Asel Onlabekkyzy, lil Yerkin Sabanshiyev, lil Zhanat Zhamaliyev, lil Diana Baimagambetova, lil Noyan Rakhimzhanov u lil Askar Kayyrbek, u li jneħħi mingħajr dewmien il-miżuri ta' arrest preventiv u ta' arrest domiċiljari u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà imposti fuq is-soċjetà ċivili u l-attivisti tal-oppożizzjoni, l-utenti tal-midja soċjali u d-dimostranti paċifiċi; jistieden lill-Gvern tal-Każakistan jirrevedi l-każijiet tal-ex priġunieri politiċi u vittmi tat-tortura Iskander Yerimbetov, Maks Bokayev u Mukhtar Dzhakishevu u jagħtihom kumpens, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u l-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.

Jilqa' l-passi meħuda mill-Gvern tal-Każakistan biex jagħlaq il-każijiet politikament motivati kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Daniyar Khassenov u Abaibek Sultanov, iżda jinsab imħasseb dwar il-fabbrikazzjoni ta' kawża kriminali ġdida għal raġunijiet ta' “estremiżmu” kontra dan tal-aħħar; jistieden lill-Gvern tal-Każakistan ineħħi l-akkużi politikament motivati kollha kontra l-filantropu Barlyk Mendygaziyev u jtemm il-persekuzzjoni politikament motivata tal-membri tal-familja tiegħu u ta' dawk li kienu assoċjati miegħu;

5.

Jikkundanna l-abbuż tal-leġiżlazzjoni dwar l-antiestremiżmu kontra dawk li jappoġġjaw il-movimenti paċifiċi tal-oppożizzjoni, l-Għażla Demokratika tal-Każakistan (DCK) u l-Koshe Partiyasy, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jippermettu l-pluraliżmu politiku u l-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkundanna l-applikazzjoni arbitrarja tal-liġijiet dwar l-antiestremiżmu;

6.

Jistieden lill-Każakistan jimplimenta riformi bil-għan li javvanza il-modernizzazzjoni, id-demokrazija u l-istabilità tal-pajjiż, isaħħaħ l-isforzi għar-riforma tas-sistema politika tal-Każakistan sabiex jiżviluppa parlamentariżmu u sistema multipartitika, u jespandi l-parteċipazzjoni ċivika; jinnota t-twaqqif ta' Kunsill Suprem għar-Riformi u jieħu nota tat-tħabbira mill-awtoritajiet tal-Każakistan ta' stadju ġdid ta' riformi, b'mod partikolari dwar il-kwistjonijiet tal-infurzar tal-liġi, is-sistema ġudizzjarja u l-prijoritizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li jitkompla dan il-proċess, inklużi bidliet fil-liġi elettorali u l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jieqfu jużaw il-kodiċi kriminali kontra attivisti, bloggers, ġurnalisti u oħrajn talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

8.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Każakistani li jikkanċellaw il-multi u jippermettu lill-NGOs jkomplu l-attivitajiet, kif imħabbar fit-3 ta' Frar 2021; jitlob li titneħħa l-projbizzjoni ta' tliet snin mill-attiviżmu kontra Max Bokayev u li jitħalla jkompli l-ħidma essenzjali tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan iwaqqfu l-użu ħażin tal-iskemi ta' rappurtar finanzjarju biex jagħmlu pressjoni fuq il-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqgħu l-akkużi infondati ta' reati amministrattivi kontra l-gruppi mmirati għall-allegat ksur ta' rappurtar, jagħmlu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar ir-rappurtar tal-introjtu barrani konformi mal-istandards internazzjonali, inkluż billi jħassru l-Artikoli 460-1 u 460-2 tal-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi, u minflok jipproteġu u jiffaċilitaw il-ħidma importanti tas-soċjetà ċivili;

9.

Jafferma mill-ġdid it-twemmin qawwi tiegħu li l-persekuzzjoni ta' NGOs indipendenti permezz ta' spezzjonijiet tat-taxxa mhux ġustifikati u li l-fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti bħal Bostandyq Kz, Femina Virtute, Veritas, 405 u Elimay, u attivisti tas-soċjetà ċivili, permezz ta' arresti amministrattivi, multi u prosekuzzjonijiet kriminali mhux biss jostakolaw l-isforzi ta' riforma li diġà saru mill-awtoritajiet, iżda huma wkoll ta' detriment għar-reputazzjoni internazzjonali tal-Każakistan;

10.

Jiddeplora l-istat inkwetanti tal-libertà tal-midja fil-pajjiż u jistieden lill-Gvern tal-Każakistan jipprovdi ambjent ħieles u sikur għall-ġurnalisti indipendenti;

11.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jippermetti lit-trade unions indipendenti jirreġistraw u joperaw f'konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol ratifikati mill-Każakistan, mingħajr ebda interferenza jew fastidju; jiddispjaċih ħafna dwar is-sospensjoni ta' sitt xhur tal-5 ta' Frar 2021 tal-operazzjonijiet tat-Trade Union Industrijali tal-Ħaddiema tal-Fjuwil u l-Enerġija (ITUFEW) mill-Qorti Ekonomika Interdistrettwali Speċjalizzata f'Shymkent talli allegatament naqset milli tirreġistra f'konformità mal-Liġi tat-Trade Unions; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jimplimenta verament il-Liġi dwar it-Trade Unions kif emendata f'Mejju 2020;

12.

Jinnota bi tħassib l-abbozz ta' liġi ġdid dwar l-organizzazzjonijiet tal-karità li jimponi miżuri ta' regolamentazzjoni addizzjonali fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li jikkontradixxi direttament il-loġika u l-aħjar prattiki tax-xogħol ta' karità, kif ukoll l-inizjattiva reċenti biex tinħoloq Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tad-Donaturi taħt il-patroċinju tal-gvern, li hemm riskju li tintuża ħażin biex tikkontrolla l-organizzazzjonijiet donaturi, u b'hekk tillimita aktar l-indipendenza u s-sjieda tal-attivitajiet tagħhom;

13.

Jinnota li mill-2008, meta l-Każakistan irratifika l-Protokoll tan-NU għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, il-Każakistan tejjeb b'mod sinifikanti l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar il-prosekuzzjoni tat-traffikar ta' persuni u dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar; jafferma, madankollu, li għad hemm għadd ta' sfidi li għandhom jiġu indirizzati mill-Każakistan sabiex jelimina t-traffikar ta' persuni, kemm f'termini ta' appoġġ għall-vittmi kif ukoll ta' prosekuzzjoni tal-isfruttaturi;

14.

Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż billi jiżguraw kanali ta' rapportar effettivi u aċċessibbli u miżuri ta' protezzjoni li huma sensittivi għall-ħtiġijiet u l-kunfidenzjalità tal-vittmi; jisħaq li tintemm l-impunità u tittieħed azzjoni biex jiġu żgurati sanzjonijiet kriminali xierqa kontra l-awturi tar-reati, inkluż f'każijiet ta' vjolenza domestika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jikkriminalizzaw il-vjolenza domestika bħala reat awtonomu, u jiżguraw sanzjonijiet kriminali kontra l-awturi tar-reati; jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jqisu x-xelters u s-servizzi għas-superstiti tal-vjolenza domestika bħala “servizzi essenzjali” u jiffaċilitaw l-aċċess għalihom għan-nisa u l-bniet kollha, inkluż matul il-kriżi tal-coronavirus; iħeġġeġ lill-Każakistan jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul;

15.

Jinsisti li d-drittijiet tal-komunità LGBTI għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ; jistieden lill-Gvern tal-Każakistan jiggarantixxi l-prinċipju ta' kontra d-diskriminazzjoni kontra l-komunità LGBTI, inkluż billi jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali bil-liġi; jitlob li jkun hemm taħriġ xieraq għall-uffiċjali ġudizzjarji u tal-pulizija, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi, biex jiġi żgurat li l-persuni LGBTI jingħataw kura u protezzjoni xierqa;

16.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jiżgura s-sikurezza tal-Każakistani etniċi u ta' gruppi ta' minoranza oħra li ħarbu mill-kampijiet ta' konċentrament taċ-Ċina, inkluż billi jagħti status ta' refuġjat permanenti lil Murager Alimuly u Kaisha Akankyzy, u biex jagħti biżżejjed attenzjoni lit-tensjonijiet etniċi kontinwi fir-reġjuni tan-Nofsinhar tiegħu;

17.

Jagħti parir lill-awtoritajiet tal-Każakistan kontra l-użu ħażin abbużiv ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja bħas-sistema tal-Avviż Aħmar tal-Interpol u talbiet għal MLA bil-għan li jiġu ppersegwitati l-avversarji tar-reġim barra mill-pajjiż u li jinkiseb aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali;

18.

Jilqa' l-abolizzjoni tal-Każakistan tal-piena tal-mewt għar-reati kollha fir-ratifika tiegħu tat-2 ta' Jannar 2021 tat-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'hekk sar it-88 parti għall-ftehim; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jikkonforma mal-wegħdiet tiegħu ta' tolleranza żero għat-tortura u jiżgura li kwalunkwe allegazzjoni ta' tortura tiġi investigata bis-sħiħ u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

19.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan jeqred it-tortura u t-trattament ħażin fil-ħabsijiet, jirrispetta d-drittijiet tal-ħabsin, u jiżgura kundizzjonijiet tal-għajxien xierqa, iġjene u ambjent sikur f'termini tal-indirizzar tat-theddid maħluq mill-COVID-19;

20.

Jistieden lill-Każakistan jintroduċi salvagwardji xierqa għad-data personali u jsaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kif ukoll jillimita l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali invażivi u jintroduċi qafas regolatorju li jipprojbixxi b'mod ċar is-sorveljanza diġitali arbitrarja u illegali, inkluż ir-rikonoxximent tal-wiċċ, f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem;

21.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, inkluż f'summits u laqgħat oħra ta' livell għoli, f'fora multilaterali u permezz ta' rappreżentanzi lokali, biex jappoġġjaw b'mod robust lis-soċjetà ċivili, jieħdu miżuri addizzjonali biex jipprovdu appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Każakistan permezz tal-Kummissjoni, inkluż iżda mhux limitat għall-espansjoni tal-iskemi ta' għotjiet finanzjarji lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, u l-libertajiet fundamentali fil-Każakistan, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jsaħħu l-kuntatti bejn il-persuni maċ-ċittadini tal-Każakistan; jenfasizza li l-assistenza finanzjarja lill-Każakistan għandu jkollha l-għan li tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-vittmi ta' persekuzzjoni politika, u mhux li tappoġġja r-reġim awtoritarju;

22.

Jinkoraġġixxi lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Każakistan biex tavvanza l-impenn tagħha mal-membri lokali tas-soċjetà ċivili billi torganizza laqgħat regolari u tqajjem ir-rakkomandazzjonijiet tagħha matul il-laqgħat uffiċjali mal-uffiċjali tal-gvern tal-Każakistan;

23.

Iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Każakistan biex tissorvelja l-abbużi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem u tieħu pożizzjoni pubblika fir-rigward tal-ksur, biex tipprovdi assistenza lill-vittmi ta' prosekuzzjoni politika u attivisti li jinsabu l-ħabs billi tattendi l-proċessi ta' kritiċi tal-gvern u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u titlob żjarat fil-ħabs, u biex tirreaġixxi malajr u b'mod riżolut għal kwalunkwe att li jmur kontra l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

24.

Ifakkar fir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE, li ġie approvat reċentement – li jippermetti lill-UE tindirizza lil dawk li jwettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja – li, fil-każ tal-Każakistan, jippermetti li jiġu mmirati individwi, entitajiet u korpi involuti fi ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem jew assoċjati miegħu; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet immirati fuq individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

25.

Jitlob li d-drittijiet tal-bniedem ikunu fil-quċċata tal-involviment tal-UE mal-Asja Ċentrali; jissottolinja li relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi aktar profondi mal-UE, kif previst mill-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, iridu jkunu bbażati fuq valuri kondiviżi u jikkorrispondu għal impenn attiv u konkret mill-Każakistan fir-riformi demokratiċi, li jirriżultaw mill-obbligi u l-impenji internazzjonali tiegħu;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ iwettqu rieżami komprensiv tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi reċenti u l-eżitu tar-rieżami tal-politika kummerċjali;

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Każakistan.

(1)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 83.

(2)  ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.

(3)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.

(4)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.

(5)  Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/154


P9_TA(2021)0057

Is-sitwazzjoni politika fl-Uganda

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Uganda (2021/2545(RSP))

(2021/C 465/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-elezzjonijiet fl-Uganda,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tat-12 ta' Jannar 2021 dwar l-elezzjonijiet ġenerali li kien imiss fl-Uganda,

wara li kkunsidra r-rimarki mill-Ambaxxatur tal-UE Attilio Pacifici tat-12 ta' Jannar 2021 dwar l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tal-NGOs,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-Uganda u l-missjonijiet diplomatiċi fl-Uganda tal-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, l-Iżvezja, l-Islanda u n-Norveġja tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-vjolenza reċenti relatata mal-elezzjonijiet fl-Uganda,

wara li kkunsidra n-noti tal-laqgħa għall-istampa tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tad-29 ta' Diċembru 2020 intitolata “L-Uganda: esperti tan-NU mħassba serjament dwar ir-repressjoni elettorali”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, li l-Uganda hi firmatarja tagħha,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li ġie rratifikat mill-Uganda fil-21 ta' Ġunju 1995,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tas-27 ta' Ġunju 1981,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza tat-30 ta' Jannar 2007,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-10 ta' Diċembru 1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda tal-1995, emendata fl-2005,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou) tat-23 ta' Ġunju 2000 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni;

wara li kkunsidra l-Strateġija Konġunta UE-Afrika,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fl-Uganda tat-18 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta tal-Grupp tas-Sħab għad-Demokrazija u l-Governanza (PDG) tat-23 ta' Diċembru 2020 dwar l-arrest ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli inklużi fiha,

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Uganda tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-14 ta' Jannar 2021 il-votanti tal-Uganda marru jivvutaw biex jeleġġu president u membri tal-parlament fost għadd kbir ħafna ta' rapporti ta' irregolaritajiet, u billi fis-16 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni Elettorali ddikjarat lill-President Yoweri Museveni, li ilu fil-kariga għal 35 sena, ir-rebbieħ – għas-sitt mandat – b'59 % tal-voti, kontra l-mexxej ewlieni tal-oppożizzjoni Robert Kyagulanyi Ssentamu, magħruf ukoll bħala Bobi Wine, li rċieva 35 %; billi kien diffiċli li jiġu vverifikati r-riżultati tal-elezzjoni għaliex il-Kummissjoni Elettorali ma segwietx il-proċess tal-għadd preskritt;

B.

billi t-tħejjija għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Uganda tal-2020 kienet imħassra mill-vjolenza, b'kandidati tal-oppożizzjoni, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, esperti elettorali u ġurnalisti jiffaċċjaw oppressjoni u intimidazzjoni sistematiċi meta eżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom; billi l-użu eċċessiv tal-forza mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà tebba' serjament il-proċess elettorali;

C.

billi mill-ħarifa tal-2020 'il quddiem l-awtoritajiet intensifikaw ir-repressjoni tagħhom tal-oppożizzjoni politika qabel l-elezzjonijiet, meta aġenziji tas-sigurtà arrestaw il-kandidati ewlenin tal-oppożizzjoni Bobi Wine, Patrick Oboi Amuriat u Lt Gen. Henry Tumukunde, li sfratta l-manifestazzjonijiet tagħhom u llimita l-kopertura mill-media tal-elezzjonijiet;

D.

billi l-kandidat presidenzjali tal-partit tal-oppożizzjoni Forum għat-Tibdil Demokratiku, Patrick Oboi Amuriat, ġie arrestat bosta drabi qabel l-elezzjonijiet, u f'waħda mill-manifestazzjonijiet tal-kampanja tiegħu, fid-9 ta' Novembru 2020, il-folol ġew dispersi bil-gass tad-dmugħ u l-konvoj tiegħu qala' tiri tan-nar mill-pulizija fis-6 ta' Jannar 2021;

E.

billi l-militarizzazzjoni tal-kampanja elettorali li dejjem kienet qed tiżdied saret partikolarment evidenti fit-18 u d-19 ta' Novembru 2020 meta l-forzi tas-sigurtà rażżnu lid-dimostranti li kienu qed jitolbu l-ħelsien tal-kandidat presidenzjali li dak iż-żmien kien detenut, Bobi Wine, u dan irriżulta f'mill-inqas 54 dimostrant imutu f'mill-inqas seba' distretti madwar il-pajjiż, mijiet jiġu arrestati u oħrajn jgħibu;

F.

billi wara l-elezzjonijiet, il-kandidat tal-oppożizzjoni Bobi Wine tqiegħed taħt detenzjoni domiċiljari de facto, b'forzi tas-sigurtà jiċċirkondaw daru għal 11-il jum;

G.

billi fl-1 ta' Frar 2021, Bobi Wine ressaq petizzjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Uganda biex jikkontesta r-riżultati tal-elezzjoni, fejn allega frodi fuq skala wiesgħa, inkluż l-involviment ta' membri tal-militar jimlew il-kaxxi tal-voti, jivvotaw għan-nies u jżommu lill-votanti milli jidħlu fil-postijiet tal-votazzjoni; billi l-President Museveni ffaċċja sfidi fil-Qorti Superjuri wara l-aħħar erba' elezzjonijiet;

H.

billi fis-7 ta' Jannar 2021, Bobi Wine ressaq petizzjoni quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) li takkuża lill-President Museveni u disa' uffiċjali għolja oħra bi ksur multiplu tad-drittijiet tal-bniedem;

I.

billi l-missjonijiet ta' osservaturi internazzjonali u ta' esperti elettorali kienu fil-biċċa l-kbira assenti mill-elezzjonijiet wara li l-awtoritajiet tal-Uganda naqsu milli jakkreditaw il-missjonijiet u billi l-awtoritajiet naqsu wkoll milli jimplimentaw rakkomandazzjonijiet minn missjonijiet tal-passat; billi l-UE kienet offriet li tibgħat tim żgħir ta' osservaturi elettorali, iżda l-offerta ġiet irrifjutata; billi l-Istati Uniti tal-Amerka kkanċellat l-osservazzjoni tagħha tal-elezzjoni ġenerali tal-Uganda minħabba li l-biċċa l-kbira tat-talbiet ta' akkreditazzjoni tagħha ġew miċħuda; billi r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2016 għamel madwar 30 rakkomandazzjoni, inkluż li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta' korp elettorali aktar indipendenti u l-eliminazzjoni tal-użu eċċessiv tal-forza mis-servizzi tas-sigurtà, li l-ebda waħda minnhom ma ġiet implimentata mill-awtoritajiet tal-Uganda;

J.

billi l-gvern irrestrinġa l-aċċess għall-internet qabel l-elezzjonijiet u beda jintroduċi taxxa fuq il-media soċjali fuq l-utenti li jixtru data fuq l-internet, u billi kien hemm rapporti ta' aċċess għall-pjattaformi tal-messaġġi online u tal-media soċjali li ġew imblukkati qabel l-elezzjonijiet; billi l-aċċess għal xi siti tal-media soċjali għadu ristrett;

K.

billi l-pandemija tal-COVID-19 intużat ukoll bħala pretest għal repressjoni u restrizzjonijiet sproporzjonati fuq laqgħat u attivitajiet tal-oppożizzjoni; billi l-Uganda rrappurtat madwar 40 000 każ tal-COVID-19; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprima tħassib li l-miżuri tal-COVID-19 intużaw biex jirrestrinġu l-libertajiet politiċi u l-parteċipazzjoni politika matul il-proċess elettorali; billi fis-26 ta' Diċembru 2020, l-Uganda ssospendiet il-kampanji f'żoni fejn l-oppożizzjoni kienet tgawdi popolarità partikolari, inklużi Mbarara, Kabarole, Luwero, Kasese, Masaka, Wakiso, Jinja, Kalungu, Kazo, il-Belt ta' Kampala u Tororo, filwaqt li ġew ikkwotati l-prekawzjonijiet tal-COVID-19;

L.

billi f'diversi okkażjonijiet, miżuri restrittivi relatati mal-COVID-19 kienu mmirati lejn gruppi partikolari, u dan irriżulta fi vjolenza eċċessiva u arresti arbitrarji mingħajr aċċess għal avukat, kif muri mir-rejd tal-pulizija li sar fid-29 ta' Marzu 2020 fuq il-Fondazzjoni Children of the Sun, kenn għaż-żgħażagħ mingħajr dar li jidentifikaw ruħhom bħala leżbjani, omosesswali, bisesswali jew transġeneru;

M.

billi f'Novembru 2020, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-NGOs (organizzazzjonijiet mhux governattivi) waqqaf b'mod arbitrarju l-attivitajiet tal-Osservazzjoni Elettorali Nazzjonali Uganda, organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li kienet għadha kif ġiet iffurmata u li hija mmexxija miċ-ċittadini, u stabbilita biex tosserva l-elezzjonijiet; billi l-Awtorità tal-Intelligence Finanzjarja tal-Uganda ffriżat il-kontijiet bankarji ta' diversi organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inkluż il-Forum Nazzjonali tal-NGOs tal-Uganda u n-Network tan-Nisa tal-Uganda (UWONET), filwaqt li kkwotat akkużi mhux korroborati ta' finanzjament tat-terroriżmu;

N.

billi matul dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet tal-Uganda mmiraw dejjem aktar lejn l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet; billi fit-23 ta' Diċembru 2020, Nicholas Opiyo, avukat ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem u Sakharov Fellow ġie arrestat flimkien ma' tliet avukati oħra – Herbert Dakasi, Anthony Odur, u Esomu Obure – u Hamid Tenywa, membru tal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Unità (NUP), dwar akkużi ta' ħasil tal-flus u ksur tal-garanziji kostituzzjonali tal-Uganda; billi Nicholas Opiyo nħeles fuq bail fit-30 ta' Diċembru 2020, iżda għadu qed jistenna li jiġi pproċessat; billi Opiyo jiċħad bil-qawwa kollha l-akkużi, u jiddikjara li l-flejjes intużaw legalment biex jappoġġjaw il-ħidma ta' Chapter Four Uganda għad-drittijiet tal-bniedem;

O.

billi mijiet ta' partitarji tal-NUP inħatfu minn operaturi tas-sigurtà matul il-kampanja elettorali u għadd mhux ċar minnhom għadhom qed jiġu detenuti bil-forza jew huma neqsin;

P.

billi fit-2 ta' Jannar 2020, f'ittra lill-Ministeru għal-Finanzi, il-President Museveni ordna s-sospensjoni tal-Faċilità ta' Governanza Demokratika (DGF); billi, id-DGF tiffinanzja l-maġġoranza tal-NGOs fl-Uganda u hija appoġġjata minn bosta Stati Membri inklużi l-Awstrija, in-Norveġja, in-Netherlands, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Irlanda; billi l-iskop tagħha huwa li ssaħħaħ id-demokratizzazzjoni, tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont; billi l-implimentazzjoni ta' programmi importanti b'finanzjament tal-UE qed tiġi mfixkla b'mod sever;

Q.

billi f'Diċembru 2020, in-Network tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Ġurnalisti – Uganda rrapporta 'l fuq minn 100 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ġurnalisti, inkluża l-vjolenza mill-pulizija, li seħħet prinċipalment meta kienu qed ikopru l-kampanji ta' kandidati politiċi; billi fit-30 ta' Diċembru 2020 il-pulizija iddikjarat bil-qawwa li kienu biss il-“ġurnalisti ċċertifikati” li kienu se jitħallew ikopru l-votazzjoni; billi fl-aħħar ta' Novembru 2020, l-awtoritajiet keċċew tliet ġurnalisti Kanadiżi; billi l-Uganda huwa kklassifikat fil-125 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa 2020 ta' Reporters Mingħajr Fruntieri;

R.

billi fit-12 ta' Diċembru 2020 il-gvern iffriża l-assi ta' erba' NGOs attivi fil-kampanji elettorali li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ – UWONET, il-Forum Nazzjonali tal-NGOs, iċ-Ċentru Internazzjonali tan-Nisa għall-Paċi, u l-Alleanza tal-Monitoraġġ Elettorali tal-Finanzi – fuq akkużi ta' finanzjament tat-terroriżmu;

S.

billi fil-11 ta' Jannar 2021, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundanna dak li sejjaħ “is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda” u rrapporta bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' parteċipazzjoni, kif ukoll il-privazzjoni arbitrarja tal-ħajja, l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, u t-tortura;

T.

billi retorika dejjem aktar kontra l-Punent kienet preżenti fil-kampanja elettorali u fid-dikjarazzjonijiet tal-President Museveni;

U.

billi l-Uganda għandha waħda mill-iżgħar popolazzjonijiet u waħda mill-aktar popolazzjonijiet li qed jikbru malajr fid-dinja, li ħafna minnhom eżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b'mod paċifiku; billi miljun votant żagħżugħ eliġibbli ma ġewx irreġistrati mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tal-Uganda, li ddikjarat li ma kellhiex ir-riżorsi materjali biex tirreġistrahom;

V.

billi permezz tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-UE qed tipprovdi lill-Uganda b'EUR 578 miljun, jiġifieri biex tappoġġja l-promozzjoni ta' governanza tajba, ittejjeb l-infrastruttura, tiżgura s-sigurtà tal-ikel u tappoġġja l-agrikoltura; billi l-Uganda tirċievi wkoll EUR 112,2-il miljun mill-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

W.

billi l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-iżvilupp bejn l-Uganda u l-UE, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra titwettaq fil-kuntest tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għaż-żamma tal-paċi fis-Somalja (AMISOM);

X.

billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU jikklassifika l-Uganda fil-159 post minn 189, u billi skont Transparency International, l-Uganda tikklassifika fil-137 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni;

Y.

billi l-Uganda għandha waħda mill-aktar liġijiet ħorox fid-dinja kontra l-omosesswalità u billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTQ+ għadhom jippersistu;

Z.

billi l-eks mexxej tal-milizzja u suldat tifel Ugandiż Dominic Ongwen instab ħati ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fil-QKI f'sentenza storika fl-4 ta' Frar 2021, li matulha ġie kkundannat għal 61 akkuża individwali ta' qtil, stupru, skjavitù sesswali, sekwestru ta' persuna u tortura mwettqa matul iż-żmien tiegħu bħala kmandant tal-Lord's Resistance Army (LRA), kult vjolenti li min-nofs is-snin tmenin sa ftit snin ilu għamel kampanja ta' vjolenza mdemmija fl-Uganda u f'pajjiżi ġirien;

1.

Jiddeplora l-fatt li l-proċess elettorali ma kienx demokratiku u trasparenti; jikkundanna l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija u l-forzi armati fl-elezzjoni presidenzjali u l-indħil dejjem jikber tagħhom fil-proċess politiku; jiddispjaċih għall-fatt li osservaturi elettorali indipendenti, lokali u internazzjonali ġew ipprojbiti milli jissorveljaw l-elezzjoni, u dan ma jħallihiex tiġi vvalutata skont standards rikonoxxuti internazzjonalment; jissottolinja l-importanza fundamentali ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li huma prerekwiżit għal żvilupp sostenibbli u fit-tul; f'dan l-ispirtu jfaħħar lill-poplu Ugandiż, b'mod partikolari l-popolazzjoni żagħżugħa, għall-kuraġġ u l-entużjażmu għad-demokrazija li wrew matul din il-kampanja elettorali;

2.

Jikkundanna l-vjolenza kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika fl-Uganda, il-fastidju kontinwu u r-repressjoni sistematika fuqhom, kif ukoll it-trażżin tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-media, u t-tfixkil tal-pjattaformi tal-media soċjali u l-qtugħ tal-internet;

3.

Jistieden lill-gvern, għalhekk, biex iwaqqaf l-użu persistenti tal-forza letali u eċċessiva mill-forzi tas-sigurtà u l-arresti arbitrarji u d-detenzjoni politiċi tal-oppożizzjoni u s-sostenituri, dimostranti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, u l-attakki kontrihom,

4.

Jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżgura l-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-vittmi kollha billi jwettaq investigazzjonijiet imparzjali, bir-reqqa u indipendenti dwar l-isparar u l-vjolenza mwettqa mill-forzi tas-sigurtà, u bl-istess mod jistieden lill-ġudikatura tal-Uganda tapplika b'mod oġġettiv u indipendenti l-qafas leġiżlattiv eżistenti u tieħu nota sħiħa tal-fatti u l-evidenza disponibbli; jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jniedu investigazzjoni indipendenti immedjata dwar il-ġrajjiet traġiċi tat-18 u tad-19 ta' Novembru 2020, fejn mill-inqas 54 persuna nqatlu bla bżonn mill-pulizija wara l-arrest ta' Bobi Wine, u fejn mijiet oħra sfaw midruba, fatt li l-President Museveni stess irrikonoxxa, u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

5.

Jissottolinja li l-appelli u l-kontestazzjonijiet kontra r-riżultati elettorali huma karatteristika fundamentali ta' proċess elettorali kredibbli; jistenna li l-kontestazzjonijiet u l-ilmenti elettorali kollha jiġu indirizzati b'mod indipendenti u trasparenti bl-użu tar-rimedji kostituzzjonali u legali disponibbli;

6.

Jistieden lill-gvern jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jew iwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawk kollha arrestati u detenuti unikament talli pparteċipaw f'assemblej politiċi paċifiċi jew talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, inkluż lil Nicholas Opiyo, Sakharov Fellow tal-Parlament Ewropew fl-2016; ifakkar lill-Gvern tal-Uganda jirrispetta l-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal għaqda paċifika u sikura, inkluż il-moviment liberu tal-atturi politiċi kollha u s-sostenituri tagħhom, u jiddenunzja r-ripressjoni li għaddejja fuq is-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvern jiżgura li d-drittijiet tas-Sur Opiyo għal proċess dovut u smigħ ġust jiġu rispettati sal-ogħla standard;

7.

Ifakkar lill-awtoritajiet Ugandiżi fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali – inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tal-pajjiż – ir-rappreżentanza ġusta irrispettivament mill-isfond etniku, il-libertà tal-kelma u l-libertà ta' għaqda, u li jaffermaw ir-rwol kruċjali tal-oppożizzjoni politika, l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u l-media fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet ineħħu kwalunkwe restrizzjoni li tista' tillimita d-dritt tan-nies għal-libertà ta' għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni;

8.

Ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-importanza tal-libertà ta' espressjoni u r-rwol tal-media ħielsa u pluralistika f'soċjetà demokratika; jinnota bi tħassib li l-ġurnalisti li jkopru l-elezzjonijiet kienu regolarment soġġetti għall-intimidazzjoni u l-vjolenza; jistenna li l-awtoritajiet tal-Uganda joħolqu ambjent fejn il-ġurnalisti jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jiżguraw aċċess għall-internet sigur u mingħajr restrizzjonijiet għal kulħadd, inkluż għall-media soċjali u l-pjattaformi ta' messaġġi online, peress li n-nuqqas ta' dan jikkostitwixxi ostaklu serju għal-libertà tal-informazzjoni, inkluża l-libertà tal-media;

10.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uganda biex itemmu s-sospensjoni arbitrarja tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u l-arresti ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u l-iffriżar tal-assi finanzjarji tagħhom; f'dan ir-rigward, jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-tentattivi biex jiġi limitat il-finanzjament tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari bl-ordni tal-President Museveni li jissospendi d-DGF ta' diversi miljuni ta' euro, fond kollettiv ikkoordinat mill-UE u s-sħab għall-iżvilupp nazzjonali biex jappoġġja gruppi li jaħdmu biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, japprofondixxu d-demokrazija u jtejbu r-responsabbiltà fl-Uganda;

11.

Jistenna li l-Gvern tal-Uganda jieqaf immedjatament milli juża l-pandemija tal-COVID-19 bħala pretest għall-introduzzjoni ta' liġijiet u politiki li jiksru d-dritt internazzjonali u biex ireġġa' lura l-garanziji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-restrizzjoni bla bżonn tad-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' espressjoni, li l-mira ewlenija tagħhom huma l-persuni LGBTQ+; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uganda jirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tal-poplu tal-pajjiż u jillimitaw b'mod strett l-eżerċizzju tas-setgħa ta' emerġenza għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

12.

Jikkritika bil-qawwa l-liġijiet ħorox tal-Uganda kontra l-omosesswalità u jappella għar-reviżjoni urġenti tagħhom, flimkien ma' strateġija għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTQ+;

13.

Jinsisti li d-delegazzjoni tal-UE fl-Uganda tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTQ+ u tappoġġja b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-persuni LGBTQ+ fuq il-post;

14.

Jinsisti fuq l-impenn u r-rieda tal-UE li tinvolvi ruħha mal-awtoritajiet tal-Uganda u tassisti fir-riformi demokratiċi u ta' governanza tant meħtieġa; jissottolinja, madankollu, li s-suċċess ta' din il-kooperazzjoni jiddependi ħafna mir-rieda min-naħa tal-Uganda biex fil-fatt timplimenta dawk ir-riformi; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-użu sistematiku tar-repressjoni u l-vjolenza tal-istat jista' jkollu impatt fundamentali fuq ir-relazzjoni futura tal-UE mal-Uganda; jistieden lill-UE tisfrutta l-influwenza politika pprovduta mill-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-programmi ta' appoġġ baġitarju, biex issaħħaħ id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda;

15.

Jinsisti li l-UE u atturi internazzjonali oħra jżommu u jsaħħu l-approċċ integrat u koordinat tagħhom dwar l-Uganda, li jinkludi l-promozzjoni ta' governanza tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu din il-kwistjoni ta' tħassib permezz ta' mezzi pubbliċi u diplomatiċi; itenni li s-sanzjonijiet kontra individwi u organizzazzjonijiet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda jridu jiġu adottati fil-livell tal-UE skont il-mekkaniżmu l-ġdid ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejjaħ Att Magnitsky tal-UE;

16.

Jirrakkomanda skrutinju akbar tal-ġestjoni fiskali u t-trasparenza tal-Uganda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jwettqu rieżamijiet sistematiċi tal-programmi ta' appoġġ baġitarju tal-UE fejn ikun hemm riskju li l-fondi jiġu ddevjati għall-użu mill-awtoritajiet Ugandiżi f'attivitajiet li jistgħu jinkoraġġixxu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jkunu mmirati lejn attivisti;

17.

Jilqa' l-verdett fil-każ kontra l-eks kmandant tal-LRA Dominic Ongwen, li nstab ħati ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mill-QKI, u jqisu bħala pass sinifikanti lejn il-ġustizzja u r-responsabbiltà għall-atroċitajiet imwettqa mil-LRA

18.

Jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà fir-reġjun u jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħidma importanti tal-AMISOM; jisħaq li l-objettivi fit-tul tagħha se jintlaħqu biss jekk dawk kollha involuti jmexxu bl-eżempju fir-rigward tar-rispett tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-iSpeaker tal-Parlament tal-Uganda, u lill-Unjoni Afrikana, u lill-istituzzjonijiet tagħha.

(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/160


P9_TA(2021)0058

25 sena wara d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing: sfidi futuri għad-drittijiet tan-nisa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa fil-futur: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (2021/2509(RSP))

(2021/C 465/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-15 ta' Settembru 1995 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b'mod partikolari, il-prinċipji 2, 3, 9 u 15 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa' lura” u, b'mod partikolari, l-Għan 1 li jfittex li jtemm il-faqar, l-Għan 3 li jfittex li jiżgura li n-nies ikunu jistgħu jgħixu ħajja b'saħħitha, l-Għan 5 li jfittex li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa, l-Għan 8 li jfittex li jikseb tkabbir sostenibbli u ekonomiku, u l-Għan 13 li jfittex li jieħu azzjoni urġenti biex jiġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs (Nru 100) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-Konvenzjoni tal-2019 dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (Nru 190) u l-Konvenzjoni tal-2013 dwar il-Ħaddiema Domestiċi (Nru 189) tal-ILO,

wara li kkunsidra “Regional review of progress: regional synthesis” (Rieżami reġjonali tal-progress: sinteżi reġjonali) mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU tal-20 ta' Awwissu 2019,

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar in-nisa bit-titolu “Gender Equality: Women's rights in review 25 years after Beijing” (L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri: Rieżemi tad-drittijiet tan-nisa 25 sena wara Beijing), ippubblikat fil-5 ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, l-64 sessjoni, bit-titolu “Review and appraisal of the implementation of the Beijing Declaration and Platform for Action and the outcomes of the twenty-third special session of the General Assembly” (Rieżami u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-eżiti tat-23 sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali) tat-13 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, il-65 sessjoni, dwar “Women's full and effective participation in decision making in public life, as well as the elimination of violence, for achieving gender equality and the empowerment of women and girls” (Il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-ħajja pubblika, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-vjolenza, biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet) tal-21 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra n-nota ta' politika mis-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu “The Impact of COVID-19 on Women” (L-Impatt tal-COVID-19 fuq in-Nisa), ippubblikata fid-9 ta' April 2020,

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar in-nisa bit-titolu “From Insights to Action: Gender Equality in the Wake of COVID-19” (Minn Informazzjoni Intuwittiva għal Azzjoni: L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri Wara l-COVID-19), ippubblikat fit-2 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport mill-EIGE bit-titolu “Beijing + 25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States” (Beijing + 25: il-ħames rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE), ippubblikat fil-5 ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS dwar “Beijing Platform for Action, 25-year review and future priorities” (Il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, rieżami wara 25 sena u l-prijoritajiet għall-futur) (is-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew, il-Parlament Ewropew, 2020),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni (UNFPA) bit-titolu “Impact of the COVID-19 Pandemic on Family Planning and Ending Gender-based Violence, Female Genital Mutilation and Child Marriage” (L-Impatt tal-Pandemija tal-COVID-19 fuq l-Ippjanar tal-Familja u t-Tmiem tal-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru, il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u ż-Żwieġ tat-Tfal), ippubblikat fis-27 ta' April 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-UNFPA bit-titolu “Millions more cases of violence, child marriage, female genital mutilation, unintended pregnancy expected due to the COVID-19 pandemic” (Aktar miljuni ta' każijiet ta' vjolenza, ta' żwieġ tat-tfal, ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u ta' tqala mhux intenzjonata mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19), ippubblikata fit-28 ta' April 2020,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2019 dwar “Ekonomiji li Jiffavorixxu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem,”

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP III),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2020 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-64 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (2) u l-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-perjodu tal-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar il-projbizzjoni de facto tad-dritt tal-abort fil-Polonja (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Jannar 2020 dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni ddedikata tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi – kwalità u ugwaljanza (9),

wara li kkunsidra l-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-2021-2027 u l-prijorità orizzontali tiegħu għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

wara li kkunsidra r-Regola 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi 189 gvern madwar id-dinja, inklużi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, impenjaw lilhom infushom biex jaħdmu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jsaħħu l-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha fir-Raba' Konferenza Dinjija tal-1995 dwar in-Nisa li saret f'Beijing;

B.

billi d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (BPfA) adottati fil-konferenza hija l-aktar aġenda globali komprensiva għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u hija meqjusa bħala l-“Karta tad-Drittijiet” internazzjonali għan-nisa, li tiddefinixxi d-drittijiet tan-nisa bħala drittijiet tal-bniedem u li tartikola viżjoni ta' ugwaljanza tad-drittijiet, libertà u opportunitajiet għan-nisa kollha fid-dinja, u fl-2015 ġiet affermata mill-ġdid bl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli billi ġew stabbiliti għanijiet u miżuri konkreti li jikkonċernaw firxa ta' kwistjonijiet li jaffettwaw in-nisa u l-bniet;

C.

billi saru avvanzi għan-nisa u l-bniet, speċjalment fl-Ewropa, mill-adozzjoni tal-Pjattaforma ta' Beijing fl-1995, iżda l-progress ġenerali kien wieħed kajman b'mod inaċċettabbli u l-kisbiet mirbuħa b'diffikultà jinsabu f'riskju li jitreġġgħu lura;

D.

billi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġenerazzjonijiet ġie pospost sal-ewwel nofs tal-2021;

E.

billi għaddew 25 sena mill-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) fil-Kajr, fejn il-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD ġie adottat minn 179 gvern li ddikjaraw impenn globali għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) f'konformità mal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing;

F.

billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa daħlet fis-seħħ ftit aktar minn 40 sena ilu u, għalkemm l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikawha, il-progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa kajman, kif indikat mill-EIGE;

G.

billi l-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa), l-aktar strument komprensiv biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa fl-Ewropa, infetħet għar-ratifika 10 sena ilu, iżda għadha ma ġietx ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE u lanqas ma ġiet iffirmata mill-UE;

H.

billi l-2021 timmarka l-10 anniversarju tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa;

I.

billi jeħtieġ li jiġu eliminati l-istrutturi u l-isterjotipi dannużi li jipperpetwaw l-inugwaljanza sabiex tiġi avvanzata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-avvanzar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa ta' benefiċċju mhux biss għas-soċjetà kollha kemm hi, iżda huwa wkoll għan fih innifsu;

J.

billi l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri jkopru l-aspetti kollha tas-suq tax-xogħol, inklużi d-differenzi fl-impjieg, fil-pagi, fil-pensjonijiet u fil-kura, in-nuqqas ta' aċċess għas-servizzi soċjali u l-protezzjoni soċjali, l-impjiegi dejjem aktar prekarji u r-riskji ogħla ta' faqar għan-nisa;

K.

billi l-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi tagħha wrew li huma dannużi għan-nisa, għad-drittijiet tan-nisa u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għandhom konsegwenzi fit-tul; billi l-miżuri ekonomiċi fil-perjodu ta' wara l-kriżi tal-COVID-19 għandhom iqisu d-dimensjoni tal-ġeneru u l-ugwaljanza soċjali;

L.

billi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 huwa relatat mal-ġeneru, bil-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha jkollhom perspettiva tal-ġeneru ċara hekk kif kellhom impatt differenti fuq in-nisa u l-irġiel u aggravaw l-inugwaljanzi eżistenti; billi n-nisa huma affettwati mill-kriżi b'mod sproporzjonat, filwaqt li r-reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 fil-biċċa l-kbira ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġeneru; billi dawn l-impatti jvarjaw minn żieda inkwetanti fil-vjolenza u l-fastidju abbażi tal-ġeneru sa responsabbiltajiet ta' kura u domestiċi mhux imħallsa u mhux ugwali, kif ukoll aċċess ristrett għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) u impatti ekonomiċi u professjonali sinifikanti għan-nisa, b'mod partikolari ħaddiema fil-kura tas-saħħa u indokraturi;

M.

billi s-setturi u l-impjiegi ddominati min-nisa (eż. kura tas-saħħa, servizzi ta' kura u ta' emerġenza, ħidma soċjali, edukazzjoni, bejjiegħa bl-imnut, kaxxiera, persuni li jnaddfu, eċċ.) u l-ekonomija informali ntlaqtu b'mod partikolari mill-pandemija; billi n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura tas-saħħa huma potenzjalment aktar f'riskju ta' infezzjoni mill-irġiel minħabba li jirrappreżentaw 76 % mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fl-UE (10);

N.

billi n-nisa mhumiex involuti bl-istess mod bħall-irġiel fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet minħabba s-saqaf tal-ħġieġ eżistenti; billi l-kondiviżjoni ugwali tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa għadha ma ntlaħqitx fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri tal-UE f'kabinetti tal-gvern, parlamenti, l-amministrazzjoni pubblika, f'task forces tal-COVID-19 u fuq il-bordijiet tal-kumpaniji;

O.

billi n-nisa jiffaċċjaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, fost oħrajn marbuta mar-razza, l-oriġini etnika jew soċjali, l-orjentazzjoni sesswali, l-identitajiet u l-espressjoni, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-istatus ta' residenza u d-diżabbiltà, u l-isforzi jridu jindirizzaw kull forma ta' diskriminazzjoni biex tinkiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri għan-nisa kollha; billi l-politiki tal-UE jridu jirrinforzaw l-approċċ intersezzjonali tagħhom biex jindirizzaw id-dimensjonijiet istituzzjonali, strutturali u storiċi tad-diskriminazzjoni; billi l-analiżi intersezzjonali mhux biss tippermettilna nifhmu l-ostakoli strutturali, iżda tipprovdi wkoll evidenza biex jinħolqu punti ta' riferiment, u titwitta t-triq lejn politiki strateġiċi u effettivi kontra d-diskriminazzjoni sistemika, l-esklużjoni u l-inugwaljanzi soċjali;

P.

billi n-nisa aktarx jiffaċċjaw aktar qgħad u jkollhom status ta' impjieg mhux sikur (pereżempju permezz tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom), u dan joħloq nuqqas ta' sigurtà fl-impjieg; billi l-ħaddiema fis-settur tal-kura huma fil-biċċa l-kbira nisa (76 %) (11) u għandhom it-tendenza li jesperjenzaw pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; billi n-nisa jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-utenti kif ukoll tal-fornituri tas-servizzi tas-settur soċjali, għalhekk kwalunkwe nuqqas ta' forniment adegwat ta' servizzi bħal dawn jimpedixxi lin-nisa milli jipparteċipaw bis-sħiħ fil-forza tax-xogħol, u ma jitqiesx il-ġeneru fl-ippjanar, fl-ibbaġitjar u fil-forniment ta' servizzi tas-settur soċjali;

Q.

billi d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi għadha tammonta għal 14 % fl-Ewropa (12) u 20 % globalment (13) u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet hija għolja sa 40 % f'xi Stati Membri tal-UE; billi d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi twassal għal differenza fil-pensjonijiet li minnha nnifisha żżid ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni, speċjalment fost in-nisa anzjani u dawk waħidhom f'unità domestika; billi kemm id-disparitajiet fil-pagi kif ukoll il-prekarjetà għandhom impatt dirett fuq il-pensjonijiet futuri;

R.

billi d-diviżjoni inugwali tal-kura mhux imħallsa u tax-xogħol domestiku tillimita serjament il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija; billi x-xogħol ta' kura bla ħlas tan-nisa kien fil-qalba tas-soċjetajiet li jsostnu matul il-kriżi tal-COVID-19, iżda r-responsabilitajiet ta' kura jżommu 7.7 miljun mara fl-Ewropa barra mis-suq tax-xogħol bi tqabbil ma' 450 000 raġel (14); billi l-karatteristiki tal-impjieg tan-nisa li jirriżultaw mill-kura mingħajr ħlas (jiġifieri xogħol part-time) huma fattur sinifikanti fid-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi; billi aktar nisa milli rġiel jassumu responsabilitajiet ta' kura informali fit-tul mill-inqas għal diversi ġranet fil-ġimgħa jew kuljum u, b'mod ġenerali, in-nisa jirrappreżentaw 62 % mill-persuni kollha li jipprovdu kura informali fit-tul fl-UE (15);

S.

billi, globalment, 35 % min-nisa esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali minn sieħeb intimu, jew vjolenza sesswali minn xi ħadd mhux sieħeb; billi seħħet żieda drammatika fil-vjolenza minn sieħeb intimu matul il-pandemija tal-COVID-19 f'dak li n-NU ssejjaħ “il-pandemija dellija”, b'żieda ta' 60 % fit-telefonati ta' emerġenza min-nisa suġġetti għall-vjolenza mis-sieħeb intimu tagħhom irrappurtati fost l-Istati Membri tal-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (16);

T.

billi n-nisa huma aktar vulnerabbli għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima (17); billi, filwaqt li jidher li n-nisa qed juru aktar tħassib dwar il-klima fl-imġiba tagħhom mill-irġiel, in-nisa għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kriżi klimatika u globalment jirrappreżentaw biss 32 % mill-forza tax-xogħol fl-enerġija rinnovabbli (18);

U.

billi teżisti disparità bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha tat-teknoloġija diġitali, speċjalment f'teknoloġiji innovattivi, bħall-oqsma tal-AI u taċ-ċibersigurtà; billi l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru, l-iskoraġġiment kulturali u n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni u ta' promozzjoni ta' mudelli femminili jxekklu l-opportunitajiet tal-bniet u tan-nisa fl-istudji u l-karrieri STEM;

V.

billi hemm rigressjoni viżibbli f'xi Stati Membri u hemm riskju li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tista' tkompli tonqos fl-importanza fuq l-aġenda tal-Istati Membri;

1.   

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li fil-laqgħa ta' livell għoli dwar “Accelerating the achievement of gender equality and the empowerment of all women and girls(L-aċċelerazzjoni tal-ksib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha) li saret fl-1 ta' Ottubru 2020 waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU biex tfakkar il-Konvenzjoni ta' Beijing, mexxejja dinjija minn 100 pajjiż irrikonoxxew li l-progress ġenerali fid-drittijiet tan-nisa huwa ferm inqas minn dak li impenjaw lilhom infushom għalih fil-Konvenzjoni ta' Beijing fl-1995;

2.   

Jenfasizza li r-Rapport tan-NU dwar in-nisa bit-titolu “Gender equality: Women's rights in review 25 years after Beijing” (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri: Rieżami tad-drittijiet tan-nisa 25 sena wara Beijing) (19) wera kif il-progress lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-fatt qed imajna u kif l-avvanzi mirbuħa b'diffikultà qed jitreġġgħu lura globalment;

3.   

Josserva bi tħassib li l-ħames rieżami tal-BPfA ppubblikat mill-EIGE fl-2020 enfasizza li l-ebda Stat Membru Ewropew ma laħaq il-miri stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Beijing fl-1995; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-EIGE tal-2020 wera li l-progress kien waqaf fil-ksib tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u li minkejja li l-isforzi għat-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri wasslu xi riżultati, għad hemm inugwaljanzi persistenti u disparitajiet bejn il-ġeneri fl-UE fl-oqsma kollha koperti fil-BPfA;

4.   

Jenfasizza li l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-COVID-19 qed jaffettwaw lin-nisa u lill-bniet b'mod sproporzjonat, u qed jaggravaw l-inugwaljanzi preeżistenti bejn il-ġeneri u jheddu li jreġġgħu lura l-progress li sar sa issa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li skont l-Istimi tan-NU dwar in-nisa (20), il-pandemija se twaqqa' 47 miljun mara u tifla oħra taħt is-soll tal-faqar fil-livell globali, li jtella' t-total għal 435 miljun, filwaqt li żiedet b'mod esponenzjali l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u n-nisa qed jitilfu xogħolhom u l-għajxien tagħhom aktar malajr billi huma aktar esposti għas-setturi ekonomiċi li ntlaqtu ħażin;

5.   

Jirrikonoxxi li aktar nisa qed jiġu eletti u maħtura f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, iżda Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-progress miexi bil-mod u li l-parità nkisbet biss fi ftit Stati Membri tal-UE;

6.   

Ifakkar il-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 u jappella biex il-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex iwassal miżuri komuni u konkreti biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġi żgurat li l-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu diskussi fl-ogħla livell politiku;

7.   

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex applikata b'mod sistematiku fl-oqsma ta' politika u fil-programmi ta' finanzjament kollha tal-UE; jilqa' l-introduzzjoni ta' integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prijorità orizzontali fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027; jappella biex il-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni ta' integrazzjoni sistematika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala strateġija ewlenija biex tiġi appoġġjata r-realizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u biex timplimenta bbaġittjar, prattiki u pjanijiet direzzjonali li jirreaġixxu għall-ġeneru; f'konsultazzjoni mal-esperti tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jibbenefikaw b'mod ugwali mill-infiq pubbliku fil-livelli kollha tal-ibbaġitjar u li l-perspettivi tan-nisa jiġu integrati fl-oqsma kollha, b'fondi speċifiċi biex jiġu indirizzati fatturi ta' inugwaljanzi bħall-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluż fid-distribuzzjoni tal-programm dwar iċ-Ċittadini, id-Drittijiet u l-Valuri li huwa assenjat għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

8.   

Jappella biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet konkreti u sett ta' azzjonijiet, imqabbla ma' finanzjament assenjat adegwat, abbażi tat-12-il qasam ta' tħassib stipulati mill-BPfA, speċjalment dwar in-nisa u l-faqar, in-nisa u l-ekonomija, is-setgħa u t-teħid ta' deċiżjonijiet, in-nisa u l-vjolenza, in-nisa u l-ambjent, u n-nisa u s-saħħa, sabiex jiġu avvanzati d-drittijiet tan-nisa u l-aġenda dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fid-dawl tal-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġenerazzjonijiet li ġej;

9.   

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li t-tendenzi retrogressivi espressi f'xi pajjiżi fir-rigward tat-tqajjim ta' dubji dwar il-Konvenzjoni ta' Istanbul, ir-rigressjoni kontra l-SRHR tan-nisa, u l-isfidi għall-awtonomija tal-ġisem u l-kontroll tal-fertilità ġew aggravati fi snin reċenti; jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali li timplimenta projbizzjoni de facto fuq l-abort u r-rigressjoni sussegwenti għall-SRHR tan-nisa fil-Polonja, kif ukoll ir-restrizzjonijiet eċċessivi mhux iġġustifikati fuq l-aċċess għall-abort;

10.   

Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem, u huma parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli mid-drittijiet universali tal-bniedem, kif iddikjarat fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa;

11.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jtejbu l-ġbir ta' data kumparabbli diżaggregata skont l-età, ir-razza, l-oriġini etnika u l-ġeneru sabiex titjieb l-analiżi kwantitattiva u biex jitfasslu u jiġu implimentati politiki tal-UE li jintegraw aħjar perspettiva intersezzjonali tal-ġeneru; jissottolinja l-importanza tal-EIGE bħala l-fornitur ta' data diżaggregata skont is-sess affidabbli u adegwata għall-bażi ta' analiżi leġiżlattiva u t-teħid ta' deċiżjonijiet, u jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati u estiżi l-finanzjament u l-kapaċitajiet tal-EIGE; iħeġġeġ ukoll lill-EIGE u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti l-oħra kollha tal-UE biex jaħdmu fuq u jinkorporaw indikaturi ġodda, bħal dwar il-faqar fix-xogħol, il-faqar fil-ħin jew il-valur tax-xogħol ta' kura;

12.   

Ifakkar li 46 miljun mara u tifla b'diżabbiltajiet jgħixu fl-Unjoni Ewropea u li nofs in-nisa kollha fl-età tax-xogħol b'diżabbiltajiet huma ekonomikament inattivi; jisħaq fuq il-problemi speċifiċi ffaċċati min-nisa b'diżabbiltajiet u jfakkar li r-rata ta' privazzjoni materjali tan-nisa b'diżabbiltajiet hija severa fl-Istati Membri kollha; għalhekk, jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi inkorporata aktar il-perspettiva tal-ġeneru fl-istrateġija li ġejja fl-2021 dwar l-ugwaljanza fid-diżabbiltà;

13.   

Jappella lill-Kunsill u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex japprovaw u jimplimentaw id-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni u biex jiggarantixxu li jiġu eliminati bosta forom u forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE;

In-nisa u l-faqar

14.

Jenfasizza li l-ġeneru għadu fattur sinifikanti fix-xejriet tal-faqar fl-UE u li, għalkemm ir-rati ta' esklużjoni u d-disparitajiet fil-faqar bejn il-ġeneri jvarjaw b'mod konsiderevoli fost il-pajjiżi, 23,3 % min-nisa jinsabu f'riskju ta' faqar bi tqabbil ma' 21,6 % għall-irġiel (21); jenfasizza li riskju bħal dan jiżdied b'mod sinifikanti bl-età, b'relazzjoni wkoll mal-kompożizzjoni tal-unità domestika, ir-razza jew l-oriġini etnika, id-diżabbiltà u l-istatus fl-impjieg; jenfasizza li d-diskrepanzi fil-pagi, fil-pensjonijiet u fil-kura bejn il-ġeneri huma fatturi sinifikanti fil-femminilizzazzjoni tal-faqar;

15.

Jappella biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw il-femminilizzazzjoni tal-faqar fil-forom kollha tagħha, inkluż il-faqar f'età avvanzata, b'mod partikolari billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġeneru fid-disponibbiltà u fl-aċċess għal intitolamenti tal-pensjoni adegwati, sabiex tiġi eliminata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri, u billi jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'setturi u fi professjonijiet femminilizzati; jindika l-importanza li jiġu indirizzati s-sottovalutazzjoni soċjetali, ekonomika u kulturali tal-impjiegi ddominati min-nisa, il-ħtieġa li jiġu miġġielda dawn l-istereotipi u r-rappreżentanza eċċessiva tan-nisa f'forom ta' xogħol atipiċi;

16.

Jisħaq li, filwaqt li jingħelbu l-inugwaljanzi fil-pensjonijiet u jiġu ssalvagwardjati u jiżdiedu l-pensjonijiet inġenerali, huwa essenzjali li s-sistemi ta' sigurtà soċjali jibqgħu jeżistu fl-isfera pubblika u li jiġu integrati l-prinċipji tas-solidarjetà u r-ridistribuzzjoni, kif ukoll li jsiru l-aktar sforzi qawwija biex jiġi miġġieled ix-xogħol prekarju u mhux irregolat;

17.

Jappella biex il-Kummissjoni tippreżenta strateġija kontra l-faqar biex tiġġieled il-femminilizzazzjoni tal-faqar, b'enfasi speċjali fuq unitajiet domesiċi b'ġenitur wieħed li jkunu mmexxija min-nisa; jappella wkoll biex l-Istati Membri jimplimentaw miżuri soċjali speċifiċi biex jiġġieldu r-riskju ta' esklużjoni soċjali u faqar fir-rigward tal-aċċess għal abitazzjoni, trasport u enerġija affordabbli;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jiġġieldu r-riskju ta' faqar f'età avvanzata, u lill-Kummissjoni biex tinkludi d-dimensjoni tal-ġeneru tal-faqar fl-oqfsa tagħha ta' tkabbir ekonomiku u ta' politika soċjali; jilqa' l-indikaturi diżaggregati skont is-sessi fil-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jissottolinja l-ħtieġa li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata permezz ta' approċċ intersezzjonali f'konformità mal-prinċipji 2 u 3 tal-Pilastru u jappella biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar bejn il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Semestru Ewropew; jappella biex il-Kummissjoni tiżviluppa u tinkludi Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fis-Semestru Ewropew biex jiġu mmonitorjati l-effetti ta' politiki makroekonomiċi fuq il-ġeneru, kif ukoll dawk tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqiegħdu lin-nisa fil-qalba tal-irkupru mill-pandemija sabiex jiġġieldu l-erożjoni tal-progress li sar fl-eliminazzjoni tad-disparitajiet fil-faqar bejn il-ġeneri kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19;

In-nisa u l-ambjent

20.

Jilqa' r-rikonoxximent tad-dimensjoni tal-ġeneru tat-tibdil fil-klima kemm fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III kif ukoll fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025; jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali għall-ġestjoni tal-kriżi klimatika;

21.

Jenfasizza li n-nisa huma aġenti qawwija ta' bidla; jappella biex l-UE u l-Istati Membri jindirizzaw id-disparità bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet relatati mal-azzjoni klimatika f'kull livell tas-soċjetà;

22.

Jappella biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu għanijiet, miri u indikaturi sensittivi għall-ġeneru, kif ukoll jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru meta jippjanaw, jimplimentaw, jimmonitorjaw u jevalwaw politiki, programmi u proġetti relatati mat-tibdil fil-klima, u jistabbilixxu punti fokali dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima fl-istituzzjonijiet governattivi kollha;

In-nisa u l-ekonomija, in-nisa u s-setgħat u t-teħid ta' deċiżjonijiet

23.

Jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni sħiħa tan-nisa fuq l-istess livell tal-irġiel fl-oqsma kollha tas-soċjetà u l-ekonomija, kif ukoll il-promozzjoni attiva tar-rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet; f'dan ir-rigward, jappella biex il-Kummissjoni tiżblokka d-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet fil-Kunsill Ewropew;

24.

Jitlob li l-UE biex tistabbilixxi miri, pjanijiet ta' azzjoni, skedi ta' żmien u miżuri speċjali temporanji biex tinkiseb parità bejn il-ġeneri u biex isir progress lejn rappreżentanza bilanċjata għall-pożizzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u amministrattivi kollha;

25.

Jissottolinja li l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tal-intraprenditorija femminili huma fatturi kruċjali biex jinkiseb tkabbir ekonomiku inklużiv fit-tul, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u biex titħeġġeġ l-indipendenza ekonomika tan-nisa;

26.

Jitlob li l-UE ssaħħaħ l-isforzi biex tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u biex tinforza l-prinċipju ta' paga ugwali billi tadotta leġiżlazzjoni biex iżżid it-trasparenza fil-pagi, inklużi miżuri obbligatorji għall-kumpaniji kollha; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-proposta mill-Kummissjoni għal miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi għadha ma ġietx introdotta kif ippjanat;

27.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex timmonitorja t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sal-2022 u li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha mill-Istati Membri f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mill-istandards minimi tad-Direttiva; josserva bħala punt tat-tluq tajjeb l-espansjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ġenituri biex tiġi inkluża l-kura fit-tul ta' membri tal-familja b'diżabbiltajiet u ta' anzjani, u jitlob lill-Kummissjoni biex tqis espansjoni ulterjuri biex jiġi evitat it-telf tal-forza tax-xogħol, speċjalment tan-nisa;

28.

Jissottolinja li l-bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħat-telexogħol, jistgħu jkollhom impatt fuq il-kapaċità li wieħed jiskonnettja u jżidu l-piż tax-xogħol, bin-nisa jiġu affettwati ħafna aktar mill-irġiel minħabba r-rwol predominanti jew tradizzjonali tagħhom bħala indokraturi tad-dar u tal-familja;

29.

Jappella biex lill-Kummissjoni tressaq proposta li tieħu approċċ olistiku u tul il-ħajja għall-kura, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet kemm tal-indukraturi kif ukoll ta' dawk li jirċievu l-kura, u tistabbilixxi standards minimi u linji gwida ta' kwalità għall-kura tul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż għat-tfal, l-anzjani u persuni bi ħtiġijiet fit-tul;

30.

Jappella biex il-Kummissjoni teżamina l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u tiżgura l-parteċipazzjoni sinifikattiva tan-nisa f'korpi ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fit-tfassil ta' pakketti ta' stimolu għall-irkupru u ekonomiċi sensittivi għall-ġeneru fi ħdan il-QFP u l-pjan ta' rkupru Next Generation EU; josserva li l-kriżi tal-COVID-19 qed taffettwa b'mod partikolari lin-nisa fis-swieq tax-xogħol, u dan minħabba ż-żieda fir-rati tal-qgħad fost in-nisa; jappella, f'dan ir-rigward, biex il-Kummissjoni tieħu miżuri speċifiċi biex tindirizza d-disparità fl-impjiegi tan-nisa permezz ta' distribuzzjoni mmirata taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u li fihom l-Istati Membri tal-UE jiddimostraw azzjonijiet konkreti biex jindirizzaw il-qgħad fost in-nisa, il-faqar fost in-nisa u ż-żieda f'każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet bħala ostakli li jipprevjenu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja, inkluż l-impjieg;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet tan-nisa ħaddiema domestiċi għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni soċjali ugwali, billi jiġu żgurati r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 189 tal-ILO dwar ix-Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi;

32.

Josserva bi tħassib li n-nisa jirrappreżentaw biss 18 % (22) mit-8 miljun speċjalista fl-ICT fl-UE, u li dawn jirriskjaw aktar esklużjoni mill-aġenda diġitali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-politiki li jippromwovu parteċipazzjoni akbar tan-nisa f'karrieri u studji STEM, u jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa jiġu inklużi u rrappreżentati f'oqsma ekonomiċi emerġenti li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi s-setturi tal-ICT, tal-intelliġenza diġitali u dik artifiċjali;

33.

Jappella biex l-istituzzjonijiet Ewropej jintroduċu miżuri vinkolanti bħal kwoti biex jiżguraw parità bejn il-ġeneri f'korpi eletti, u jappella biex l-Istati Membri jiżguraw rappreżentanza bbilanċjata ta' nisa u rġiel kemm fil-parlamenti Ewropej kif ukoll f'dawk nazzjonali; jitlob ukoll li jkun hemm strateġiji li jiggarantixxu rappreżentanza sinifikattiva tan-nisa minn sfondi differenti fi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej;

In-nisa u l-vjolenza: eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru

34.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri biex tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u jtenni s-sejħa biex tiġi konkluża r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul abbażi ta' adeżjoni wiesgħa, u biex jiġu promossi r-ratifika u l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri kollha; jappella biex l-Istati Membri jqisu r-rakkomandazzjonijiet ta' GREVIO u biex itejbu l-leġiżlazzjoni biex tiġi allinjata aktar mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar xierqa;

35.

Jilqa' l-inizjattiva dwar l-estensjoni tal-oqsma ta' kriminalità biex jiġu inklużi forom speċifiċi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'konformità mal-Artikolu 83(1) TFUE, u jappella biex il-Kummissjoni mbagħad toħroġ bi proposta għal Direttiva tal-UE olistika, iffukata fuq il-vittma biex tipprevjeni u tiġġieled kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; ifakkar li fi kwalunkwe każ dawn il-miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

36.

Jitlob li l-UE tindirizza b'urġenza ż-żieda fil-vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19; jappella, f'dan ir-rigward, biex il-Kummissjoni tiżviluppa Protokoll tal-Unjoni Ewropea dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi żminijiet ta' kriżi u biex tinkludi servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi, bħal linji telefoniċi għall-għajnuna, akkomodazzjoni sikura u servizzi tas-saħħa bħala “servizzi essenzjali” fl-Istati Membri, sabiex tiġi evitata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġu appoġġjati l-vittmi tal-vjolenza domestika waqt kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19; josserva bi tħassib in-nuqqas ta' data disponibbli dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet li kieku tista' taqbad iż-żieda fil-każijiet matul il-pandemija tal-COVID-19;

37.

Jissottolinja r-rwol tal-edukazzjoni, u jappella biex jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru li jwittu t-triq għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob li l-UE tiżgura li l-istituzzjonijiet pubbliċi kollha tal-UE jkollhom stabbiliti u jikkonformaw ma' kodiċijiet ta' mġiba li jistabbilixxu tolleranza żero għall-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-abbuż, kif ukoll mekkaniżmi interni ta' rappurtar u ta' lmenti;

38.

Jissottolinja l-ħtieġa li tinġabar u tiġi organizzata data diżaggregata skont il-ġeneru u l-età dwar il-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fost l-Istati Membri; jilqa' t-tħabbira ta' stħarriġ ġdid madwar l-UE kollha mill-FRA dwar il-prevalenza u d-dinamika tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa;

39.

Jappella biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jadottaw miżuri speċifiċi biex tinqered il-vjolenza ċibernetika, inkluż il-fastidju online, il-bullying ċibernetiku u d-diskors ta' mibgħeda miżoġinist, li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa u lill-bniet, u biex jindirizzaw b'mod speċifiku ż-żieda f'dawn il-forom ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru matul il-pandemija tal-COVID-19; jappella biex il-Kummissjoni tressaq regolamentazzjoni rilevanti u kwalunkwe azzjoni oħra possibbli biex jiġu eliminati d-diskors ta' mibegħda u l-fastidju online;

40.

Jappella biex l-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni 190 tal-ILO li ġiet adottata reċentement dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol;

41.

Jappella biex l-Istati Membri jimplimentaw b'mod effettiv id-Direttiva 2011/36/UE (23) dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (THB) u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u biex jadottaw miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-vjolenza kontra n-nisa u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri bħala l-għeruq ta' dak li jikkawża t-traffikar; jappella biex il-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva, wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, sabiex ittejjeb il-miżuri għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-forom kollha ta' traffikar, speċjalment għall-isfruttament sesswali bħala l-qasam l-aktar prevalenti u rrappurtat tat-THB li jolqot lil 92 % min-nisa u l-bniet ittraffikati fl-Ewropa; jappella, barra minn hekk, biex il-Kummissjoni temenda d-direttiva bil-għan li tiżgura li l-Istati Membri jikkriminalizzaw espliċitament l-użu intenzjonali mis-servizzi kollha pprovduti mill-vittmi ta' traffikar;

In-nisa u s-saħħa

42.

Ifakkar li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa huwa dritt tal-bniedem li jista' jiġi garantit biss permezz ta' sistema li tkun universali u aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-isfond soċjali u ekonomiku; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw il-forniment adegwat ta' kura tas-saħħa u jiggarantixxu aċċess ugwali;

43.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvestu f'sistemi tas-saħħa pubblika robusti u reżiljenti, u biex jiżguraw li l-persunal tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, li l-maġġoranza tagħhom huma normalment nisa u jokkupaw funzjonijiet b'pagi aktar baxxi, jiġu kkumpensati b'mod ġust u jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;

44.

Jitlob li jkun hemm rispett universali għall-SRHR u aċċess għalih, kif maqbul fil-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-BPfA;

45.

Jenfasizza li l-aċċess għall-ippjanar tal-familja, is-servizzi tas-saħħa materna u s-servizzi ta' abort sikuri u legali huma elementi importanti li jiggarantixxu d-drittijiet tan-nisa u jsalvaw il-ħajjiet;

46.

Jappella biex l-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għaż-żgħażagħ, kif ukoll aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni, l-ippjanar tal-familja u l-abort sikur u legali;

47.

Josserva l-importanza li tqis aħjar il-perspettiva tal-ġeneru meta ssir dijanjożi medika u jiġi ppjanat it-trattament, biex jiġi żgurat trattament ta' kwalità xierqa għan-nies kollha; jenfasizza li l-mard u l-kundizzjonijiet sottostanti tan-nisa għandhom identifikat, trattati u studjati b'mod insuffiċjenti;

Lejn il-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġenerazzjonijiet

48.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-SDG3 u l-SDG5, biex jiżguraw li l-ebda mara jew tifla ma tkun suġġetta għal diskriminazzjoni, vjolenza jew esklużjoni, u jkollha aċċess għas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u l-impjieg;

49.

Itenni l-importanza tal-impenn tal-UE għall-BPfA u l-konferenzi ta' rieżami, u jappella biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrispettaw l-impenji ġenerali tagħhom lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa;

50.

Jilqa' l-parteċipazzjoni u t-tmexxija konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-Koalizzjonijiet ta' Azzjoni;

51.

Jissottolinja l-importanza ta' eżitu ambizzjuż fil-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġenerazzjonijiet li se jsir fil-futur, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' sett ta' impenji u azzjonijiet ambizzjużi li jħarsu 'l quddiem, flimkien ma' finanzjament assenjat, mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, ukoll bħala parti mill-Koalizzjonijiet ta' Azzjoni;

52.

Jappella biex l-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni jikkompletaw it-traċċar u r-rappurtar nazzjonali annwali bħala parti mir-Rapport dwar il-Progress tal-Koalizzjoni ta' Azzjoni;

53.

Iħeġġeġ lill-UE biex tiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kumitat tiegħu għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-UE fil-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġenerazzjonijiet;

o

o o

54.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0039.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0025.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0024.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0336.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0025.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0286.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0379.

(8)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102.

(9)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 11.

(10)  EIGE, Il-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar is-Sessi, https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/frontline-workers

(11)  EIGE Frontline workers (Ħaddiema tal-ewwel linja) https://eige.europa.eu/covid-19-and-gender-equality/frontline-workers

(12)  EIGE Beijing Review (EIGE Rieżami ta' Beijing)http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=sdg_05_20&lang=en

(13)  ILO Understanding the gender pay gap (ILO Nifhmu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi)https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---act_emp/documents/publication/wcms_735949.pdf

(14)  Studju tal-EIGE “Gender inequalities in care and consequences for the labour market” (L-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fil-kura u l-konsegwenzi għas-suq tax-xogħol)

(15)  EIGE Indiċi tal-2019 tal-Ugwaljanza bejn il-Ġenerihttps://eige.europa.eu/publications/gender-equality-index-2019-report/informal-care-older-people-people-disabilities-and-long-term-care-services

(16)  British Medical Journal, “Covid-19: EU states report 60 % rise in emergency calls about domestic violence” (Covid-19: l-Istati tal-UE jirrappurtaw żieda ta' 60 % fit-telefonati ta' emerġenza dwar il-vjolenza domestika), il-11 ta' Mejju 2020, disponibbli fuq: https://www.bmj.com/content/369/bmj.m1872. Rapport tan-NU ta' Lulju 2020 tas-Segretarju Ġenerali “Intensification of efforts to eliminate all forms of violence against women and girls” (Intensifikazzjoni tal-isforzi biex jiġu eliminati l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet): https://undocs.org/en/A/75/274

(17)  EIGE, “Area K – Women and the environment: climate change is gendered” (Żona K – In-nisa u l-ambjent: it-tibdil fil-klima skont il-ġeneru), il-5 ta' Marzu 2020, disponibbli fuq: https://eige.europa.eu/publications/beijing-25-policy-brief-area-k-women-and-environment

(18)  Briefing tal-EPRS, “Beijing Platform for Action, 25 Year Review and Future priorities” (Il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, Rieżami wara 25 sena u l-Prijoritajiet fil-futur), is-27 ta' Frar 2020, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_BRI(2020)646194

(19)  Ir-Rapport tan-NU dwar in-nisa Gender equality: Women's rights in review 25 years after Beijing (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri: Rieżami tad-drittijiet tan-nisa 25 sena wara Beijing)https://www.unwomen.org/en/digital-library/publications/2020/03/womens-rights-in-review

(20)  Ir-Rapport tan-NU dwar in-Nisa “Gender equality in the wake of COVID-19” (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri wara l-COVID-19) https://www.unwomen.org/en/digital-library/publications/2020/09/gender-equality-in-the-wake-of-covid-19

(21)  Fl-2014, aktar minn 122 miljun persuna fl-UE kienu jgħixu f'unitajiet domestiċi meqjusa bħala foqra, jiġifieri kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali (AROPE). Minn dawn il-122 miljun, 53 % huma nisa u 47 % huma rġiel. Ir-Rapport tal-EIGE “Poverty, gender and intersecting inequalities in the EU” (Il-faqar, l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u dawk intersezzjonali fl-UE), 2016 https://eige.europa.eu/publications/poverty-gender-and-intersecting-inequalities-in-the-eu

(22)  It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Kummissjoni għall-2020 dwar in-Nista f'Setturi Diġitali (WiD).

(23)  Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).


II Komunikazzjonijiet

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/170


P9_TA(2021)0030

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro (2019/2150(IMM))

(2021/C 465/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro, imressqa fis-17 ta' Ottubru 2019 mit-Tribunal Judicial da Comarca da Guarda, Juízo Local Criminal da Guarda – Juiz 2 (il-Qorti Distrettwali ta' Guarda, il-Qorti Kriminali Lokali ta' Guarda, it-2 Imħallef), u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Novembru 2019,

wara li sema' lil Álvaro Amaro, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 157(2) u (3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża u l-Artikolu 11 tal-Liġi 7/93 tal-1 ta' Marzu 1993 li tirregola l-Istatut għad-Deputati tal-Assemblea tar-Repubblika Portugiża,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0009/2021),

A.

billi l-imħallef kompetenti tat-Tribunal Judicial da Comarca da Guarda ppreżenta talba għat-tneħħija tal-immunità parlamenari ta' Álvaro Amaro fir-rigward ta' akkuża relatata ma' reat ta' serq ta' fondi, previst u sanzjonat permezz tal-Artikolu 11 tal-Liġi 34/87 tas-16 ta' Lulju 1987, kif emendata mil-Liġi Portugiża Nru 41/2010 tat-3 ta' Settembru 2010 (konkors formali mar-reat ta' interess privat f'kariga pubblika, previst u sanzjonat permezz tal-Artikolu 23(1) u r-reat ta' approprjazzjoni indebita, previst u sanzjonat permezz tal-Artikolu 20(1) tal-istess att leġiżlattiv), u konkors reali ta' reati ta' frodi fil-ksib ta' sussidju jew sovvenzjoni, previst u sanzjonat permezz tal-Artikolu 36(1)(a) u (c), l-Artikolu 36(2), l-Artikolu 36(5)(a) u (b), u l-Artikolu 36(8)(b), tal-Digriet Liġi Nru 28/84 tal-20 ta' Jannar 1984;

B.

billi Álvaro Amaro qeda d-dmirijiet ta' sindku ta' Guarda mill-2013, kariga li għaliha reġa' ġie elett fl-2017 biex jokkupaha sal-11 ta' April 2019; billi, fil-qadi ta' dawk id-dmirijiet, huwa kien responsabbli għat-tmexxija politika u l-ġestjoni amministrattiva tal-muniċipalità ta' Guarda; billi s-suġġett tal-investigazzjoni huwa t-trattament favorevoli, permezz ta' proċedura ta' akkwist, li l-muniċipalità ta' Guarda huwa allegat li għamlet favur il-kooperattiva u grupp teatrali fil-bidu tal-2014 fl-organizzazzjoni annwali tal-festi tal-karnival ta' din is-sena;

C.

billi Álvaro Amaro ġie elett fil-Parlament Ewropew f'Mejju 2019;

D.

billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet jew voti mitfugħa minn Álvaro Amaro fil-qadi ta' dmirijietu, f'konformità mal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

E.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

F.

billi huwa l-Parlament waħdu li jiddeċiedi jekk ineħħix l-immunità f'każ partikolari jew le; billi l-Parlament jista' b'mod raġonevoli jqis il-pożizzjoni tal-Membru meta jiddeċiedi jekk ineħħix l-immunità tiegħu jew le (2); billi waqt is-seduta ta' smigħ tiegħu, Álvaro Amaro indika li kien favorevoli għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tiegħu;

G.

billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

H.

billi r-reati li Álvaro Amaro huwa akkużat bihom seħħew qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew;

I.

billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma rnexxilux jistabbilixxi l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi tal-fatt li jindikaw li l-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni nbdew bl-intenzjoni li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru u għalhekk tal-Parlament Ewropew;

J.

billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala “akkużat” (3);

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Álvaro Amaro;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Portugiżi u lil Álvaro Amaro.

(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440, punt 28;

(3)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/172


P9_TA(2021)0031

Ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar il-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (N9-0080/2020 – C9-0425/2020 – 2020/0910(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 465/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2020 għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (C9-0425/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (3),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2020 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0007/2021),

A.

billi l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jibgħat il-proposta tiegħu għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju lill-Parlament għal approvazzjoni;

B.

billi l-Viċi President tal-Bord Superviżorju jrid jintgħażel minn fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE;

C.

billi l-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-ħatriet għall-Bord Superviżorju skont dak ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki;

D.

billi fl-10 ta' Diċembru 2020 (5), il-Kunsill Ewropew ħatar lil Frank Elderson bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għal mandat ta' tmien snin mill-15 ta' Diċembru 2020 b'konformità mal-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

E.

billi, permezz ta' ittra tat-18 ta' Diċembru 2020, il-BĊE ppreżenta proposta lill-Parlament għall-ħatra ta' Frank Elderson bħala l-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE għal mandat ta' ħames snin;

F.

billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad għadda għall-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidat propost, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013;

G.

billi l-Kumitat, fil-25 ta' Jannar 2021, organizza seduta ta' smigħ mal-kandidat propost, li matulha l-kandidat għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet imressqa mill-membri tal-Kumitat;

H.

billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha nazzjonali u tal-UE għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn il-ġeneri;

I.

billi l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE attwalment jikkonsisti minn erba' rġiel u żewġ nisa, li waħda minnhom hija l-President;

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Frank Elderson bħala Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.

(3)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 105.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0311.

(5)  ĠU L 420, 14.12.2020, p. 22.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/174


P9_TA(2021)0032

Il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (kodifikazzjoni) (COM(2020)0048 – C9-0017/2020 – 2020/0029(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

(2021/C 465/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0048),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0017/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2020 (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi (2),

wara li kkunsidra l-Artikoli 109 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0010/2021),

A.

billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda tibdil sostanzjali;

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 311, 18.9.2020, p. 52.

(2)  ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


P9_TC1-COD(2020)0029

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Frar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (kodifikazzjoni)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, id-Direttiva (UE) 2021/555.)


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/175


P9_TA(2021)0034

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: Appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammonti tal-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali fis-sena 2021 (C(2021)00188 – 2021/2517(DEA))

(2021/C 465/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2021)00188),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2021, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tat-2 ta' Frar 2021 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 58(7) u l-Artikolu 83(5) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Frar 2021,

A.

billi r-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (ir-“Regolament Tranżitorju”), li emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 bl-inklużjoni ta' pakketti nazzjonali għas-snin 2021 u 2022, daħal fis-seħħ biss fid-29 ta' Diċembru 2020;

B.

billi l-pakketti stabbiliti jeħtieġu li jiġu aġġustati ladarba l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-ammonti tat-tnaqqis tal-pagamenti li jaqbżu l-EUR 150 000 u dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-flessibbiltà bejn il-pilastri;

C.

billi fis-snin preċedenti tali notifika kienet issir f'Awwissu u l-Kummissjoni kienet tadotta l-att delegat li jemenda l-pakketti fil-ħarifa iżda, minħabba l-adozzjoni tardiva tar-Regolament Tranżitorju, dan ma kienx possibbli fl-2020;

D.

billi, sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jibdew l-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali għall-2021, huwa ta' importanza assoluta li r-regolament delegat jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament Delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(2)  Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta' tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/176


P9_TA(2021)0035

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: appoġġ għas-settur tal-frott u l-ħxejjex u għas-settur tal-inbid b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/884 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 (C(2021)00371 – 2021/2530(DEA))

(2021/C 465/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2021)00371),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tat-2 ta' Frar 2021 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1), l-Artikolu 64(6) u l-Artikolu 115(5) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(b) u (h) u l-Artikolu 227(5) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Frar 2021,

A.

billi, fid-dawl tad-disturb fis-suq eċċezzjonalment sever u tal-akkumulazzjoni ta' ċirkostanzi diffiċli li wieħed jiltaqa' magħhom fis-settur tal-inbid, li joriġinaw mill-fatt li, f'Ottubru 2019, l-Istati Uniti imponew tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-inbejjed tal-Unjoni, u li issa qed ikomplu bil-konsegwenzi tal-miżuri restrittivi li għaddejjin minħabba l-pandemija dinjija tal-COVID-19, l-Istati Membri kollha u l-bdiewa fl-Istati Membri kollha ltaqgħu ma' diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' operazzjonijiet taħt programmi ta' appoġġ fis-settur tal-inbid stabbiliti fl-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

B.

billi, fid-dawl tan-natura bla preċedent ta' dawk iċ-ċirkostanzi kkombinati, fl-4 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 (3) li jipprevedu flessibbiltajiet u jippermettu derogi mir-regolamenti delegati applikabbli għas-settur tal-inbid;

C.

billi, minkejja l-utilità ta' dawk il-miżuri, is-suq tal-inbid ma rnexxilux jerġa' jikseb il-bilanċ tiegħu bejn il-provvista u d-domanda u mhuwiex mistenni li jirkuprah fiż-żmien qasir jew medju minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa.

D.

billi, minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 hija mistennija li tkompli matul parti konsiderevoli tas-sena finanzjarja 2021, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/884 għad-durata tas-sena finanzjarja 2021;

E.

billi l-implimentazzjoni rapida ta' dawk il-flessibbiltajiet u d-derogi kontinwi hija essenzjali għall-effettività u l-effikaċja tagħhom biex jindirizzaw id-diffikultajiet fit-tħaddim tal-programmi ta' appoġġ għas-settur tal-inbid, jevitaw telf ekonomiku ulterjuri u jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-suq u d-disturbi fil-funzjonament tal-katina tal-provvista fis-settur tal-inbid;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament Delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(2)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 tal-4 ta' Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 205, 29.6.2020, p. 1).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/178


P9_TA(2021)0036

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward taż-żmien meta se jibdew japplikaw ċerti proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju għall-fini tal-iskambju tal-kollateral

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-istandards tekniċi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fir-rigward taż-żmien meta se jibdew japplikaw ċerti proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju għall-fini tal-iskambju tal-kollateral (C(2020)9147 – 2020/2942(DEA))

(2021/C 465/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)9147),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 26 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) (EMIR), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Frar 2021,

A.

billi l-Artikolu 11(3) tal-EMIR introduċa obbligu li jkun hemm proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju fil-ħin, preċiż u segregat b’mod xieraq tal-kollateral (“ir-rekwiżiti tal-marġini”) fuq kontropartijiet finanzjarji involuti f'kuntratti tad-derivattivi nnegozjati barra l-borża (“OTC”) mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP”), kif ukoll fuq kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-EMIR; billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (2), jispeċifika wkoll dawk il-proċeduri u jipprevedi data differita tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini bilaterali għal kuntratti tad-derivattivi OTC ikklerjati mhux ċentralment konklużi bejn ċerti kontropartijiet biex jiġi żgurat li tali kuntratti ma kinux temporanjament soġġetti għar-rekwiżit;

B.

billi l-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti tal-marġini bilaterali għal kuntratti intragrupp tad-derivattivi OTC ikklerjati mhux ċentralment għalhekk għandha tiġi differita aktar biex jiġi evitat l-impatt ekonomiku detrimentali mhux intenzjonat li l-iskadenza ta' dik l-eżenzjoni jkollha fuq il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni. billi l-emendi li jinsabu fir-regolament delegat fihom eżenzjoni tant kruċjali għall-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni; billi l-emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huma aġġustamenti limitati tal-qafas regolatorju eżistenti;

C.

billi r-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex jiżgura t-tħejjija tal-Unjoni u jsaħħaħ l-interessi tal-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni peress li d-dritt tal-Unjoni waqaf japplika fir-Renju Unit sa mill-iskadenza tal-perjodu tranżitorju fil-31 ta' Diċembru 2020;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/180


P9_TA(2021)0037

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tad-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal ċerti tipi ta' kuntratti

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2020 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 fir-rigward tad-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal ċerti tipi ta' kuntratti (C(2020)9148 – 2020/2943(DEA))

(2021/C 465/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)9148),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2020, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tas-26 ta' Jannar 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (EMIR) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fid-9 ta' Frar 2021,

A.

billi l-EMIR jistabbilixxi obbligi tal-ikklerjar; billi r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 (2), (UE) 2016/592 (3) u (UE) 2016/1178 (4) jispeċifikaw, fost l-oħrajn, id-dati effettivi tal-obbligu ta' kklerjar għal kuntratti li jappartjenu għall-klassijiet tad-derivattivi OTC stabbiliti fl-Annessi ta' dawk ir-Regolamenti.

B.

billi l-emendi li jinsabu fir-regolament delegat fihom eżenzjoni kruċjali għall-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni li jagħżlu li jinnovaw il-kuntratti tagħhom minn kontropartijiet fir-Renju Unit għal kontropartijiet stabbiliti u awtorizzati fi Stat Membru, billi jevitaw sitwazzjoni fejn il-kuntratti l-ġodda li jirriżultaw minn dawk in-novazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għal obbligu tal-ikklerjar jew għal rekwiżiti għall-iskambju ta' kollateral li ma kinux applikabbli fiż-żmien meta ġew konklużi l-kuntratti oriġinali; billi dan l-għan jinkiseb billi l-eżenzjonijiet attwali previsti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 jiġu estiżi għal perjodu ta' żmien fiss ta' 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-regolament delegat; billi l-emendi tar-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205, (UE) 2016/592 u (UE) 2016/1178 huma aġġustamenti limitati tal-qafas regolatorju eżistenti;

C.

billi r-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex jiżgura t-tħejjija tal-Unjoni u jsaħħaħ l-interessi tal-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni peress li d-dritt tal-Unjoni waqaf japplika fir-Renju Unit sa mill-iskadenza tal-perjodu tranżitorju fil-31 ta' Diċembru 2020;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta' Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/592 tal-1 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 103, 19.4.2016, p. 5).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3).


L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/182


P9_TA(2021)0038

L-istabbiliment tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (COM(2020)0408 – C9-0150/2020 – 2020/0104(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 465/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0408),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0150/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Lulju 2020 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Ottubru 2020 (2),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0214/2020),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 132.

(2)  ĠU C 440, 18.12.2020, p. 160.


P9_TC1-COD(2020)0104

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/241.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI DWAR L-ISTABBILIMENT TA' REKWIŻITI TA' RAPPURTAR LI JIPPERMETTU L-ĦRUĠ TA' BONDS LI JIKKONTRIBWIXXU GĦALL-OBJETTIVI AMBJENTALI GĦAL NEXTGENERATIONEU

Il-Kummissjoni tfakkar fl-ambizzjoni politika kondiviża tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F'dan il-qafas, tissottolinja l-ambizzjoni tagħha li tiġbor mill-inqas 30 % tal-fondi li għandhom jiġu mislufa fis-swieq kapitali għall-ħtiġijiet ta' NextGenerationEU permezz tal-ħruġ ta' bonds li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jesploraw serjament il-possibbiltà li jintroduċu regoli li jistabbilixxu obbligi ta' rappurtar għall-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' informazzjoni għall-fini ta' evalwazzjoni tal-kontribut għall-objettivi ambjentali tal-fondi mislufa fis-swieq kapitali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tfassal proposta leġiżlattiva f'dan ir-rigward matul l-ewwel trimestru tal-2021.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-ĠBIR TA' DATA GĦAL KONTROLLI U AWDITI EFFETTIVI

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jfakkru fil-ħtieġa li jiġu żgurati kontrolli u awditi effettivi bl-għan li jiġi evitat il-finanzjament doppju u jiġu evitati, identifikati u rettifikati l-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-miżuri appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Iż-żewġ istituzzjonijiet iqisu li huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġbru u jirreġistraw data dwar ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-Unjoni f'format elettroniku standardizzat u interoperabbli u jużaw l-għodda unika ta' estrazzjoni ta' data li għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni.

DIKJARAZZJONI ADDIZZJONALI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-ĠBIR TA' DATA GĦAL KONTROLLI U AWDITI EFFETTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea tfakkar fid-dikjarazzjoni unilaterali tagħha dwar din il-kwistjoni fl-ambitu tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 23 tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-METODOLOĠIJA GĦAT-TREKKJAR KLIMATIKU

Il-Kummissjoni tqis li, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-metodoloġija tal-Anness VI tar-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha tiġi inkorporata fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.


Il-Ħamis, 11 ta’ Frar 2021

17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/185


P9_TA(2021)0046

Is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta' informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta' pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0280 – C9-0210/2020 – 2020/0152(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 465/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0280),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0210/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2020 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, f’konformità mal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0208/2020),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30.


P9_TC1-COD(2020)0152

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni, governanza tal-prodotti u limiti ta' pożizzjoni, u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/878 fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-investiment, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, id-Direttiva (UE) 2021/338.)


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/186


P9_TA(2021)0047

Il-prospett ta' Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għal intermedjarji finanzjarji biex jgħinu l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-prospett ta' Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għal intermedjarji finanzjarji biex jgħinu l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0281 – C9-0206/2020 – 2020/0155(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 465/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0281),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0206/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2020 (1),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tal-16 ta’ Diċembru 2020 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, f’konformità mal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0228/2020),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-Riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30.


P9_TC1-COD(2020)0155

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb li li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-Prospett ta' Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji u d-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-użu tal-format elettroniku uniku għar-rapportar għar-rapporti finanzjarji annwali, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID 19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/337.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li l-ftehim politiku dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Prospett sabiex jiġi introdott prospett ta' Rkupru tal-UE tal-UE jinkludi emenda għad-Direttiva dwar it-Trasparenza li tipposponi r-rekwiżit li jitħejjew rapporti finanzjarji bl-użu tal-Format Elettroniku Uniku Ewropew (ESEF). Dak il-posponiment ma kienx inkluż fil-proposta inizjali mill-Kummissjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-posponiment tal-ESEF mhuwiex konformi mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar tal-Unjoni u mad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni. Għalhekk, dan ma għandux jikkostitwixxi preċedent. Peress li l-posponiment tal-ESEF mhuwiex bidla sostantiva fil-politika u jirrifletti ċ-ċirkostanzi diffiċli li jiffaċċjaw il-kumpaniji minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni mhijiex se tostakola l-adozzjoni tiegħu.


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/188


P9_TA(2021)0048

Regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Unjoni: Eżenzjoni temporanja ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0818 – C9-0420/2020 – 2020/0358(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 465/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0818),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0420/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ Jannar 2021 (1),

wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-27 ta' Jannar 2021 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P9_TC1-COD(2020)0358

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu ta' slots fl-ajruporti tal-Unjoni minħabba l-kriżi tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/250.)


17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/189


P9_TA(2021)0049

Miżuri temporanji dwar il-validità taċ-ċertifikati u tal-liċenzji (Omnibus II) ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2021 dwar il-proposta għar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 dwar it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport, għal perjodi ta’ referenza sussegwenti għal dawk imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (COM(2021)0025 – C9-0004/2021 – 2021/0012(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 465/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2021)0025),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 91 u 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0004/2021),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ Jannar 2021 (1),

wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-3 ta' Frar 2021 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 37.


P9_TC1-COD(2021)0012

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-11 ta’ Frar 2021 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2021/267.)