ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 385

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
22 ta' Settembru 2021


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2020–2021
Seduti tal-14 sas-17 ta’ Settembru 2020
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 15 ta’ Settembru 2020

2021/C 385/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar ħodor (2019/2195(INI))

2

 

L-Erbgħa, 16 ta’ Settembru 2020

2021/C 385/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (2019/2156(INI))

10

2021/C 385/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika (2020/2002(INI))

24

2021/C 385/04

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssirx oppożizzjoni għal abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16 (D067917/01 – 2020/2712(RPS))

39

2021/C 385/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (2019/2200(INI))

40

 

Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2020

2021/C 385/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2020/2003(INI))

47

2021/C 385/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar approċċ strateġiku għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent (2019/2816(RSP))

59

2021/C 385/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE (2020/2070(INI))

68

2021/C 385/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar in-nuqqas ta' mediċini – kif nindirizzaw problema emerġenti (2020/2071(INI))

83

2021/C 385/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: Nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa (2020/2011(INI))

104

2021/C 385/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran (2020/2774(RSP))

117

2021/C 385/12

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2020/2779(RSP))

122

2021/C 385/13

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny (2020/2777(RSP))

128

2021/C 385/14

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, inkluż il-każ ta' Maria Ressa (2020/2782(RSP))

133

2021/C 385/15

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-każ ta' Dr Denis Mukwege fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2020/2783(RSP))

138

2021/C 385/16

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Mozambique (2020/2784(RSP))

142

2021/C 385/17

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-livelli massimi tar-residwi taċ-ċiklossidim, tal-flonikamid, tal-alossifop, tal-mandestrobin, tal-mepikwat, tar-razza NRRL Y-27328 tal-Metschnikowia fructicola u tal-proeżadjon f'ċerti prodotti jew fuqhom (D063880/06 – 2020/2734(RPS))

148

2021/C 385/18

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708(RSP))

152

2021/C 385/19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku (2020/2780(RSP))

159

2021/C 385/20

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 (2019/2805(RSP))

167


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 15 ta’ Settembru 2020

2021/C 385/21

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra tal-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0041/2020 – C9-0276/2020 – 2020/0906(NLE))

173

2021/C 385/22

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0042/2020 – C9-0277/2020 – 2020/0907(NLE))

174

2021/C 385/23

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0042/2020 – C9-0278/2020 – 2020/0908(NLE))

175

2021/C 385/24

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta' Madeira u tal-Azores (COM(2020)0240 – C9-0190/2020 – 2020/0118(CNS))

176

 

L-Erbgħa, 16 ta’ Settembru 2020

2021/C 385/25

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lil kontropartijiet ċentrali stabbiliti f'pajjiżi terzi (C(2020)4891 – 2020/2720(DEA))

177

2021/C 385/26

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju tal-2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji li l-ESMA jenħtieġ li tqis biex tiddetermina jekk kontroparti ċentrali stabbilita f'pajjiż terz hijiex sistemikament importanti jew aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (C(2020)4892 – 2020/2726(DEA))

178

2021/C 385/27

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi minimi li għandhom jiġu vvalutati mill-ESMA meta tivvaluta t-talbiet ta' CCPs ta' pajjiżi terzi għal konformità komparabbli u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' din il-valutazzjoni (C(2020)4895 – 2020/2729(DEA))

179

2021/C 385/28

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2020)0220 – C9-0160/2020 – 2020/0097(COD))

180

2021/C 385/29

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-16 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b'mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (COM(2019)0038 – C8-0043/2019 – 2019/0017(COD))

217

2021/C 385/30

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (10025/2020 – C9-0215/2020 – 2018/0135(CNS))

256

 

Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2020

2021/C 385/31

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (COM(2019)0208 – C9-0009/2019 – 2019/0101(COD))

275

2021/C 385/32

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020)0022 – C9-0007/2020 – 2020/0006(COD))

289

2021/C 385/33

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835 – 2017/0360R(NLE))

317

2021/C 385/34

P9_TA(2020)0236
Suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0260 – C9-0186/2020 – 2020/0127(COD))
P9_TC1-COD(2020)0127
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' Settembru 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19

334

2021/C 385/35

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 – Żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza biex tiġi ffinanzjata l-istrateġija dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 u għall-impatt tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (10696/2020 – C9-0290/2020 – 2020/1997(BUD))

335


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2020–2021

Seduti tal-14 sas-17 ta’ Settembru 2020

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta, 15 ta’ Settembru 2020

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/2


P9_TA(2020)0211

Miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar “ħodor”

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar “ħodor” (2019/2195(INI))

(2021/C 385/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 165, 166, 167, 191 u 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi konkluż fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, tal-5 ta' Ġunju 2019, li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ – Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' Mejju 2018 intitolata "Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura (COM(2018) 0268),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Erasmus”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (4),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li jistabbilixxi “Erasmus”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (COM(2018)0367),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (5),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2018 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020) (COM(2018)0050),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (7),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (COM(2018)0440),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jiddefinixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) (9),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) (COM(2018)0366),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) (10),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-30 ta' April 2018 intitolat “Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020)” (COM(2018)0248),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (2014-2020) (11),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (12),

wara li kkunsidra l-impenji li ħadet l-Kummissarju nnominat għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, l-Edukazzjoni, il-Kultura u ż-Żgħażagħ fis-smigħ tagħha tat-30 ta' Settembru 2019 quddiem il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0141/2020),

A.

billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew jiffissa l-objettiv ta' Unjoni Ewropea newtrali għall-klima sal-2050, u b'hekk ipoġġi l-emerġenza klimatika fil-qalba tal-programmi u l-politiki kollha tal-Unjoni; billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu wkoll l-għan li jqajjem kuxjenza pubblika u jinvolvi liċ-ċittadini fl-azzjoni klimatika billi jiżviluppa aġenda Ewropea komprensiva; billi approċċ bħal dan għandu jinbena wkoll fuq reviżjoni tal-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-kultura u ż-żgħażagħ; billi l-ħarsien tal-ambjent, is-sostenibilità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandhom jiġu integrati b'mod sistematiku fil-programmi kollha, u promossi bħala ħiliet trasversali;

B.

billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) Nru 13 jitlob azzjoni biex jiġu miġġielda t-tibdil fil-klima u l-impatt ta' dan it-tibdil, u billi l-objettivi tal-SDG 13 jinkludu t-titjib tal-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċità istituzzjonali rigward il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għalih u t-tnaqqis tal-impatt tiegħu;

C.

billi l-kriżi tal-COVID-19 qed ikollha impatt drammatiku fuq il-ħajja ta' kuljum tan-nies, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mobilità, l-edukazzjoni u l-aċċess fiżiku għall-kultura, l-arti u l-isport; billi t-tliet programmi wkoll intlaqtu b'mod sinifikanti mill-kriżi; billi, wara l-pandemija, huwa importanti li jiġu ppreservati l-valuri kulturali tal-Unjoni, u li l-immaġni tal-Ewropa tinbena mill-ġdid għall-ġenerazzjonijiet futuri; billi l-iskambju u l-interazzjoni kulturali faċilitati permezz tat-tliet programmi se jgħinu lill-Ewropa toħroġ mill-kriżi, li saret aktar minn sempliċi kriżi tas-saħħa;

D.

billi l-edukazzjoni, l-isport, il-volontarjat u l-kultura għandhom rwol fundamentali fit-tranżizzjoni ekoloġika f'termini ta' sensibilizzazzjoni, tagħlim, komunikazzjoni u kondiviżjoni tal-għarfien u tal-prattiki tajba, u billi dan il-potenzjal jista' jiġi sfruttat matul il-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss biex jiġu żviluppati modi innovattivi ta' kif jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali;

E.

billi l-programmi Erasmus+, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES) u Ewropa Kreattiva lkoll iħallu impatt fuq il-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' Ewropej, u huma l-bażi tat-tisħiħ tal-koeżjoni u tal-komprensjoni kulturali fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u ta' adeżjoni, fil-pajjiżi tal-viċinat, u fid-dinja kollha permezz tal-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi;

F.

billi, minkejja li dawn il-programmi mhumiex iċċentrati primarjament fuq l-ambjent, madankollu jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz tas-sustanza u l-ambitu tagħhom, billi jsawru mentalità ta' rispett lejn l-ambjent u l-klima u joħolqu soċjetà ankrata fil-komprensjoni u r-rispett reċiproku; billi n-natura essenzjali tagħhom għandha għalhekk tinżamm;

G.

billi avvenimenti sportivi u kulturali fuq skala kbira jlaqqgħu lin-nies flimkien;

H.

billi l-programm Erasmus+ jista' jagħmel ħafna biex irawwem l-iżvilupp sostenibbli; billi l-programm jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja;

I.

billi l-objettivi u l-ispirtu tal-KES jagħtu liż-żgħażagħ l-opportunità li jikkondividu l-għarfien u jieħu azzjoni konkreta favur il-ħarsien tal-ambjent;

J.

billi l-esperjenza ta' mobilità offruta minn dawn il-programmi tista' tkun esperjenza trasformattiva għall-parteċipanti, u tista' tinfluwenza l-imġiba ta' kuljum tagħhom, u billi l-mobilità ta' dan it-tip għandha għaldaqstant tiġi mħeġġa;

K.

billi l-programm Ewropa Kreattiva għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-arti, il-kultura u l-kontenut awdjoviżiv u fl-appoġġ tal-midja b'livell għoli ta' kwalità; billi dawn huma pilastri ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli, li jgħinu biex jinbnew soċjetajiet aktar reżiljenti; billi l-kooperazzjoni f'dawn l-oqsma tista' tiżviluppa strumenti li jissensibilizzaw in-nies fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-ambjent, il-klima u s-sostenibilità u għalhekk tista' tkun sors uniku ta' soluzzjonijiet kreattivi fl-Ewropa u fid-dinja, permezz tal-pajjiżi terzi parteċipanti;

L.

billi teżisti ħtieġa li tiġi kkoordinata inizjattiva konġunta biex jiġu żviluppati prattiki sostenibbli fis-setturi kulturali u kreattivi; billi inizjattiva tali tirrikjedi li l-ispejjeż assoċjati mal-attivitajiet ta' “ekoloġizzazzjoni” jkunu eliġibbli fl-ambitu tal-appoġġ għall-proġetti;

M.

billi l-libertà tal-espressjoni u tal-kreazzjoni artistika hija element inaljenabbli ta' Ewropa Kreattiva, u li l-isforzi għall-“ekoloġizzazzjoni” tal-programm iridu jirrispettaw din il-libertà; billi l-ħsieb ekoloġiku fl-implimentazzjoni tal-proġetti jista' jiġi mħeġġeġ billi jiddaħħlu aspetti ambjentali fl-evalwazzjoni tal-proġetti;

N.

billi sehem sostanzjali ta' proġetti relatati mal-ambjent ġew implimentati matul il-perjodu 2014-2020;

O.

billi l-programmi għandhom ikunu aċċessibbli u ħielsa mid-diskriminazzjoni; billi huwa essenzjali li jiġu stabbiliti miżuri konkreti biex il-programmi jsiru aktar inklużivi għall-persuni b'inqas opportunitajiet, b'mod speċjali l-persuni b'diżabilità;

P.

billi l-Parlament Ewropew talab, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, baġit ambizzjuż għat-tliet programmi, b'mod partikolari biex jgħinhom isiru aktar inklużivi u aċċessibbli, u billi baġit iżgħar la jilħaq dan l-objettiv u lanqas ma joħloq lok għall-introduzzjoni ta' miżuri favur l-ambjent, il-klima u s-sostenibilità mingħajr ma jipperikola elementi ewlenin oħra tal-programmi;

Q.

billi l-għan, fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, li 20 % tal-infiq jiġi allokat għall-miżuri ta' protezzjoni tal-klima ma jistax jintlaħaq jekk id-data u l-istrumenti meħtieġa biex jitkejjel il-kontribut tal-programmi mhumiex disponibbli, u billi, għaldaqstant, dawn għandhom jiġu stabbiliti b'urġenza;

R.

billi l-mobilità fiżika tippermetti l-immersjoni f'kulturi oħra u interazzjoni ottimali magħhom; billi l-iskambju u t-tagħlim virtwali huma komplement prezzjuż għall-mobilità fiżika, iżda ma joffrux l-istess esperjenza;

S.

billi t-teknoloġiji diġitali wkoll għandhom impronta ambjentali;

T.

billi attwalment ftit jeżistu inċentivi – b'mod partikolari inċentivi finanzjarji – biex iħeġġu lill-parteċipanti fit-tliet programmi jibdlu l-imġiba tagħhom u l-għażla tal-mezzi tat-trasport f'oħrajn aktar ekokompatibbli; billi l-mezzi ta' trasport aktar ekokompatibbli għandhom it-tendenza li jkunu inqas aċċessibbli, u bi prezz li ma jintlaħaqx minn kulħadd;

Għanijiet komuni għat-tliet programmi

1.

Jinnota li l-kunċetti tal-klima u tal-ambjent, u anke tal-mobilità, ikopru biss parti mill-għanijiet fil-mira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis li l-għan huwa li mmorru lil hinn mill-kwistjonijiet purament ambjentali u niżviluppaw soċjetà aktar ġusta għal kulħadd, abbażi tal-użu razzjonali u komplementari tar-riżorsi, konsum responsabbli, konvivenza fir-rispett tad-differenzi ta' xulxin u b'qies tal-komplementaritajiet reġjonali u nazzjonali; jenfasizza li l-edukaturi, l-artisti u l-ħallieqa huma wkoll ċentrali għall-ksib ta' din il-bidla fis-soċjetà u li l-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandhom rwol importanti fil-ksib tal-għanijiet usa' tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

2.

Jilqa', f'dan ir-rigward, id-determinazzjoni taż-żgħażagħ li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-isforzi tal-UE favur is-sostenibilità, u l-għażla ta' “Ewropa Ekoloġika Sostenibbli” bħala wieħed mill-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ;

3.

Jenfasizza l-importanza tat-tliet programmi fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni, il-kultura u l-politika taż-żgħażagħ Ewropej u l-impatt soċjali u ekonomiku pożittiv tal-mobilità; jenfasizza li l-programmi jistgħu jgħinu biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi li se jagħmluha possibbli, fil-każ ta' kriżi bħal dik tal-COVID-19, li jiġi żgurat li l-edukazzjoni u l-attivitajiet kulturali jkunu jistgħu jkomplu b'mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali juru flessibilità massima u jipprovdu appoġġ lill-parteċipanti u lill-iżviluppaturi tal-proġetti sabiex jippermettulhom jerġgħu jibdew l-attivitajiet tagħhom wara l-pandemija b'mod sostenibbli;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni bażi tal-kontribut tal-programmi għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi u l-impatt tal-programmi fuqhom, biex tinfurma t-tfassil tal-implimentazzjoni futura tagħhom; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma pproponietx indikaturi ambjentali, tal-klima u tas-sostenibilità għall-programmi l-ġodda; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproponi indikaturi speċifiċi lill-koleġiżlaturi li għandhom jiġu inkorporati fir-regolamenti li jirregolaw il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi; iqis li tali indikaturi jridu jiġu determinati b'attenzjoni, abbażi ta' riċerka robusta u metodoloġija komuni u jipprovdu analiżi bir-reqqa tal-kontribut tal-programmi għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi (pereżempju permezz tal-objettivi u s-sejħiet tal-proġetti tagħhom), u l-impatt ambjentali tagħhom (permezz tal-forom ta' vjaġġar appoġġati); jenfasizza li tali indikaturi jridu jqisu l-karatteristiċi tal-benefiċjarji tal-programm rilevanti sabiex jiġi evitat li jinħolqu piżijiet eċċessivi; jitlob li l-Parlament jippreżenta rapport, bid-data miġbura, u jsir disponibbli għall-pubbliku darba fis-sena;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tirreġistra u tikkalkula b'mod sistematiku l-impronta tal-karbonju relatata mat-trasport individwali tal-parteċipanti; hu tal-fehma li għal dan l-għan għandha tintuża l-Mobility Tool, u li dak l-użu tat-Tool għandu jiġi estiż biex ikopri t-taqsimiet kollha tal-programmi Erasmus+ u KSE; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li tistabbilixxi għodda ta' kalkolu simili għall-ivvjaġġar li jsir b'rabta mal-programm Ewropa Kreattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe data rilevanti miġbura aċċessibbli faċilment għall-pubbliku, flimkien mar-rapporti tagħha dwar il-programmi, b'enfasi fuq il-prattiki tajba; ifakkar li kwalunkwe għodda u applikazzjoni diġitali jridu dejjem jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

6.

Jissottolinja li l-korpi ta' implimentazzjoni jiżvolġu rwol pożittiv u attiv biex jissuġġerixxu l-mod kif il-programmi futuri jistgħu jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali bl-aħjar mod u kif jistgħu jidderieġu lill-benefiċjarji biex isiru aktar sensittivi għall-ambjent; hu tal-fehma li għandhom jiġu identifikati, ikkoordinati u valutati l-prattiki tajba eżistenti tal-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali u tal-iżviluppaturi tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa u tiċċirkola lista ta' rakkomandazzjonijiet imsejsa fuq l-analiżi tal-prattiki tajba; jirrakkomanda li tiġi żviluppata tikketta li tiċċertifika u tagħti viżibilità lill-prattiki ambjentali responsabbli u tippremja proġetti ambjentalment innovattivi u promettenti f'kull wieħed mill-programmi;

7.

Jinnota n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli fi ħdan it-tliet programmi għal proġetti dwar l-ambjent, il-klima u s-sostenibilità; jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji u lill-uffiċċji nazzjonali jtejbu l-komunikazzjoni f'dan ir-rigward u jagħtu aktar viżibilità lill-kwistjonijiet ambjentali fl-ambitu tal-proġetti u fost l-organizzazzjonijiet ospitanti u l-parteċipanti;

8.

Jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-programmi jinfurmaw lill-parteċipanti dwar, u jippromwovu b'mod attiv, eżempji ta' prattika tajba fir-rigward tal-ambjent u tal-konsum, li jistgħu jużaw fil-ħajja tagħhom ta' kuljum matul il-parteċipazzjoni fil-programm, u jinfurmaw lill-parteċipanti dwar l-impatt ambjentali tal-azzjonijiet tagħhom; iqis li firxa ta' għodod diġitali, inklużi korsijiet online qabel il-mobilità u potenzjalment applikazzjoni diġitali, tista' tkun effettiva;

9.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet li jirċievu l-parteċipanti, inklużi “l-uffiċċji ekoloġiċi” u n-networks eżistenti fil-bliet ta' destinazzjoni, u l-importanza tan-networks eżistenti, bħall-ex studenti ta' Erasmus+, fil-promozzjoni ta' stil ta' ħajja sostenibbli permezz tal-kondiviżjoni ta' rakkomandazzjonijiet prattiċi u pariri siewja fil-livell lokali tal-belt, reġjun jew pajjiż fejn jinsabu;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-aġenziji nazzjonali, lill-uffiċċji nazzjonali u lill-iżviluppaturi tal-proġetti biex jirreġistraw mal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) tal-UE sabiex jevalwaw, jikkomunikaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom u jsaħħu s-sostenibilità tal-operazzjonijiet tagħhom stess; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tikkoordina l-isforzi magħmula mill-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali biex inaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom, pereżempju permezz tal-użu ta' materjal promozzjonali sostenibbli, ġestjoni prudenti tal-ivvjaġġar, użu akbar tal-vidjokonferenzi u t-tnaqqis tal-iskart; jemmen li l-prattiki sostenibbli fi ħdan l-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali se jinkoraġġixxu lill-parteċipanti biex jadottaw drawwiet ta' konsum aktar sostenibbli;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u lill-uffiċċji nazzjonali jistabbilixxu kriterji li jippermettu li l-aspetti ambjentali tal-proġetti jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-proġetti, u b'hekk jiġu promossi prattiki aktar ekoloġiċi, filwaqt li jiġi rispettat b'mod konsistenti l-prinċipju tal-libertà kreattiva, u li jevalwaw kull proġett f'konformità mal-objettivi tal-programm;

12.

Jissottolinja l-potenzjal u l-valur tat-tagħlim u l-iskambju virtwali biex ikun possibbli li l-programmi ta' mobilità jitkomplew fil-kuntest eċċezzjonali tal-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' formati virtwali bħala komplement għall-mobilità fiżika, meta jkun xieraq, kemm biex jitnaqqas l-ivvjaġġar bla bżonn kif ukoll biex jiġi żgurat li fejn il-parteċipanti ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw, xorta waħda jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tippermetti lill-parteċipanti jagħżlu l-mezzi ta' trasport li jniġġsu l-inqas, bħall-ferrovija, iżda fl-istess ħin ma tistigmatizzax, ma teskludix u ma tiddiskriminax kontra parteċipanti li għalihom l-ivvjaġġar bl-ajru huwa l-unika għażla fattibbli; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi u liż-żoni rurali u remoti f'dan ir-rigward;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli finanzjarji attwali sabiex l-ispejjeż u l-ħinijiet tal-ivvjaġġar addizzjonali assoċjati mal-użu ta' mezzi ta' trasport aktar ekokompatibbli jiġu rimborżati mija fil-mija, waqt li l-ħinijiet addizzjonali tal-vjaġġi jitqiesu fl-allokazzjoni tal-għotjiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' assistenza finanzjarja effikaċi biex jiżguraw li l-persuni li jeħtieġu l-programmi jista' jkollhom aċċess għalihom;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni – b'mod partikolari fil-perspettiva tas-Sena Ewropea tal-Ferroviji ppjanata għall-2021 – tistabbilixxi sħubijiet mal-operaturi ferrovjarji Ewropej sabiex il-parteċipanti jkunu eliġibbli għal tariffi preferenzjali; jenfasizza li inizjattivi simili jistgħu jiġu żviluppati wkoll mal-operaturi tal-karozzi tal-linja, b'mod partikolari għal żoni remoti u rurali u żoni li mhumiex moqdija mit-trasport ferrovjarju;

16.

Jagħraf li l-parteċipanti fil-programmi jivvjaġġaw fil-pajjiż ospitanti tagħhom u lil hinn minnu biex jesploraw il-kultura lokali; jistieden lill-aġenziji u lill-uffiċċji nazzjonali u lill-persunal tal-proġetti biex jinkoraġġixxu “l-ivvjaġġar bil-mod”, l-ekoturiżmu u l-użu ta' għażliet tal-ivvjaġġar sostenibbli mil-lat ambjentali għal vjaġġi fit-tul kif ukoll għall-ivvjaġġar lokali;

17.

Jinnota li l-użu intelliġenti tat-teknoloġiji diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika għandu l-potenzjal li jżid l-inklużjoni soċjali u jnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-programmi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat id-distakk diġitali billi jiġi żgurat l-aċċess għall-infrastrutturi u t-tagħmir diġitali u l-ksib ta' ħiliet diġitali, li huma rekwiżiti preliminari għal tranżizzjoni diġitali intelliġenti; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali aktar ambizzjuż, appoġġat b'mod partikolari permezz tal-programm Erasmus+;

18.

Jindika, fl-istess ħin, li l-espansjoni tad-diġitalizzazzjoni jista' jkollha impatt ambjentali; ifakkar li t-tliet programmi kollha huma karatterizzati mill-użu ta' għodod diġitali, b'mod partikolari Ewropa Kreattiva, u jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatt ambjentali diġitali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-modi kif tista' titnaqqas l-impronta ambjentali tal-għodod diġitali, inklużi s-siti web u s-software, li jintużaw fil-programmi; jistieden lill-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-programmi jippromwovu l-użu ta' għodod diġitali aktar ekokompatibbli; jenfasizza li huwa meħtieġ t-tfassil konġunt tal-politika tal-aġenda diġitali futura u l-Patt Ekoloġiku Ewropew biex it-trasformazzjoni diġitali tiġi kombinata mal-politika ambjentali;

19.

Jissottolinja li miżuri effikaċi biex il-programmi Erasmus +, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar ekoloġiċi se jiswew il-flus, u jinsisti li l-miżuri ġodda ma jridux jieħdu mill-baġits tal-programmi, li diġà huma estremament limitati; jindika, f'dan ir-rigward, il-valur tal-promozzjoni ta' sinerġiji u komplementarjetà effikaċi ma' programmi ta' finanzjament oħra rilevanti, bħall-Fondi Strutturali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, LIFE, InvestEU, Orizzont Ewropa, b'mod partikolari taħt il-Pilastru II permezz tar-raggruppament “Kultura, Kreattività u Soċjetà Inklużiva”, il-komunità attwali tal-għarfien u l-innovazzjoni dwar il-Klima, u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija – b'mod partikolari, il-proposta li għandu jospita Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni ddedikata għas-settur kulturali u kreattiv;

20.

Ifakkar li ħafna mill-benefiċjarji tat-tliet programmi huma żgħażagħ u jsibu diffikultà meta jħabbtu wiċċhom ma' rekwiżiti amministrattivi kumplessi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-aġenziji u l-uffiċċji nazzjonali, u tappoġġa u trawwem id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat li s-sinerġiji jinkisbu b'mod sinifikanti fil-prattika;

Erasmus+

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra r-rispett għall-ambjent, prattiki ambjentali sodi u l-ħarsien tal-ambjent fil-prinċipji stabbiliti fil-Karta tal-Erasmus+ għall-Edukazzjoni Għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika dan l-approċċ għas-setturi kollha koperti mill-programm u tieħu azzjoni biex ikun żgurat li l-prinċipji jiġu rispettati; iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali, l-universitajiet sħab u l-assoċjazzjonijiet studenteski biex l-informazzjoni u l-konsulenza dwar is-sostenibilità u l-prattiki ambjentali tajba jiġu integrati fl-attivitajiet ta' merħba u attivitajiet oħra ta' integrazzjoni;

22.

Jenfasizza l-potenzjal tal-Universitajiet Ewropej u ċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ Vokazzjonali, għax dawn jistgħu jintroduċu programmi ta' eċċellenza għal tagħlim u taħriġ fi kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-sostenibilità għal firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u studenti u jappoġġaw il-proġetti ta' riċerka f'dan il-qasam; jenfasizza li l-inizjattivi l-ġodda mhux se jkunu jistgħu jwettqu dan jekk ma jingħatax finanzjament suffiċjenti għall-programm Erasmus+ fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027;

23.

Jinnota li l-implimentazzjoni futura tal-Karta Ewropea tal-Istudenti tista' tkun pass sinifikanti biex il-parteċipazzjoni fil-programm Erasmus + issir aktar ekokompatibbli, għax se tirrappreżenta l-bidla minn proċess ibbażat fuq il-karta għal proċess diġitali semplifikat, li jrid ikun ta' kwalità, apparti li jkun inklużiv u aċċessibbli, u b'hekk tkun semplifikata wkoll il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-mobilità; jinnota li l-Kard Ewropea tal-Istudenti tista' tiġi żviluppata biex toffri aċċess għal servizzi li jippromwovu għażliet tal-ħajja aktar ekokompatibbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tħaffef l-implimentazzjoni tal-Kard Ewropea tal-Istudenti;

24.

Jindika li l-pjattaformi online SALTO (“Support, Advanced Learning and Training Opportunities” fil-programm jirrappreżentaw sors eċċellenti ta' informazzjoni u konsulenza għall-iżviluppaturi tal-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma SALTO għall-ekoloġizzazzjoni;

25.

Jenfasizza l-valur tan-network e-Twinning immirata għall-għalliema, li tippermettilhom jiżviluppaw u jikkondividu l-moduli ta' taħriġ, b'mod partikolari dwar is-sostenibilità u t-tibdil fil-klima, li huma t-temi magħżula għall-2020; jistieden lill-Kummissjoni xxerred kemm jista' jkun ir-rapport annwali dwar din il-prijorità, kif ukoll sett ta' għodod għall-għalliema; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, dwar l-importanza tal-iżvilupp ta' pjattaformi Ewropej tat-tagħlim elettroniku li se jagħmluha possibbli, fil-każ ta' kriżi bħall-COVID-19, li tiġi żgurata l-kontinwità tat-tagħlim;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' programmi skolastiċi dwar it-tibdil fil-klima u s-sostenibilità, kemm fl-edukazzjoni primarja kif ukoll f'dik sekondarja; iqis li l-Azzjonijiet Ewlenin 2 u 3 tal-programm Erasmus + jistgħu t-tnejn li huma jgħinu biex jappoġġaw sforzi bħal dawn permezz ta' sejħiet għal proposti mmirati dwar l-edukazzjoni ambjentali u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-iskejjel u l-għalliema;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-inizjattivi li tieħu biex tikkoordina ż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tinkludi lista ta' kriterji ekoloġiċi għall-awtoritajiet edukattivi reġjonali u nazzjonali dwar il-faċilitajiet disponibbli għall-iskejjel, l-inklużjoni tal-istituzzjonijiet fin-networks tat-trasport pubbliku u l-iżgurar tar-rispett għall-ambjent u r-riżorsi tal-enerġija;

28.

Jissottolinja li Erasmus +, permezz tal-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali u għall-attivitajiet ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, huwa kruċjali biex l-Ewropej ikunu sensibilizzati, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, biex jiġu mħeġġa jkollhom pożizzjoni attiva u infurmata dwar is-sostenibilità u l-politiki rilevanti u biex isiru ċittadini involuti u konxji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili fil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-implimentazzjoni ta' proġetti li jissensibilizzaw il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ dwar is-sostenibilità; iqis li Erasmus + għandu jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-għarfien dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent fost il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;

29.

Iħeġġeġ li, taħt it-taqsima tal-Isport, jingħata inkoraġġiment lill-proġetti konġunti mal-assoċjazzjonijiet sportivi dwar is-suġġett tal-ambjent u l-ħarsien tan-natura, stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u sostenibbli, l-innovazzjoni għall-promozzjoni ta' prattiki aktar ekoloġiċi fl-isport u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi tal-massa sostenibbli; jindika l-ħtieġa li l-avvenimenti sportivi jsiru aktar ekokompatibbli, u jqis li Erasmus + jista' jgħin fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward; iqis li l-volontiera tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu jappoġġaw l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi tal-massa sostenibbli;

30.

Iqis li programmi fit-tul implimentati lokalment u l-inkoraġġiment tal-mobilità fost il-persunal tal-organizzazzjonijiet sportivi lokali jgħinuhom isiru konxji dwar modi aktar ekokompatibbli tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi; jitlob li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tpoġġi enfasi akbar fuq kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-sostenibilità;

31.

Jenfasizza l-importanza ta' inklużjoni sostenibbli tal-parteċipanti fil-komunità lokali, bl-għan li tinkiseb ċittadinanza attiva u skambju kulturali, bħala element ewlieni fil-programm Erasmus+; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora liema azzjonijiet tal-programm jistgħu jiġu żviluppati f'żoni rurali depopolati fejn l-involviment attiv tal-komunità jista' jgħin, pereżempju, il-promozzjoni tal-konservazzjoni tan-natura u tal-wirt kulturali;

32.

Jindika l-possibilità li tiġi stabbilita relazzjoni mal-programm “Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew”, sabiex iż-żewġ programmi jiġu mogħnija biex jinvolvu l-parteċipanti fil-komunità lokali u biex jinbena l-għarfien dwar iċ-ċittadinanza Ewropea fost l-istudenti lokali;

Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES)

33.

Ifakkar li l-ħarsien tal-ambjent huwa kkunsidrat attività importanti ta' solidarjetà fi ħdan il-KES, konsistenti mal-bażi ġuridika attwali, il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm il-ġdid wara l-2020, u l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari;

34.

Hu tal-fehma li t-tikketta ta' kwalità, li kull organizzazzjoni li tibgħat jew tirċievi volontier trid tikseb qabel tipparteċipa fl-attivitajiet tal-KES, għandha, maż-żmien, tkopri wkoll il-prattiki ambjentali tajba; ifakkar li l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-KES sikwit ikunu assoċjazzjonijiet żgħar; jinsisti, għalhekk, li jeħtieġu appoġġ immirat biex ikunu jistgħu jadottaw prattiki aktar sostenibbli;

35.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tista' tniedi sejħiet għal proġetti tematiċi; jistedinha tintensifika l-promozzjoni tad-dimensjoni tal-ambjent, tal-klima u tas-sostenibilità tal-KES billi żżid il-viżibilità ta' dawn il-proġetti fuq il-pjattaforma Sistema ta' Appoġġ u ta' Ġestjoni tal-Kollokamenti (PASS);

36.

Jistieden lill-aġenziji nazzjonali responsabbli għall-KES jappoġġaw u jagħtu pariri b'mod attiv lill-organizzazzjonijiet inkarigati li jibagħtu u jirċievu lill-parteċipanti; jisħaq fuq il-fatt li jistgħu wkoll jidentifikaw l-ambitu għal proġetti ambjentali in situ u jgħinu biex jiġu stabbiliti, u jiżguraw li l-volontiera jkunu sensibilizzati mill-prattiki ambjentali sodi fix-xogħol tagħhom u fil-ħajja ta' kuljum tagħhom; iħeġġeġ il-ħolqien ta' għodod diġitali li jiffaċilitaw it-tixrid u l-iskambju tal-prattiki tajba u tal-esperjenzi fost il-parteċipanti;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji nazzjonali jippromwovu proġetti f'destinazzjonijiet inqas popolari biex jistimulaw l-iżvilupp tal-ekonomija u s-sostenibilità lokali, filwaqt li jħeġġu l-esplorazzjoni ta' destinazzjonijiet ġodda;

Ewropa Kreattiva

38.

Jenfasizza l-potenzjal enormi tas-setturi kulturali u kreattivi biex iħeġġu ċ-ċittadini jaġixxu b'mod sostenibbli; jinnota li l-mużewijiet, iċ-ċentri kulturali u tal-komunità, l-arti tal-ispettaklu, il-letteratura, l-arti viżiva u l-inizjattivi artistiċi trasversali jistgħu jippromwovu s-sostenibilità u jikkontribwixxu għat-treġġigħ lura tat-tendenza klimatika, dment li jkun hemm biżżejjed finanzjament disponibbli; jenfasizza l-importanza tas-sostenibilità u l-prattiki ambjentali tajba fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-uffiċċji nazzjonali jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati mis-setturi kulturali u kreattivi u jiġbru informazzjoni dwar karti eżistenti fid-diversi oqsma ta' attività artistika, bl-għan li titfassal karta b'ġabra ta' prinċipji ambjentali li kull parteċipant fil-programm jeħtieġlu josserva; iqis li l-proċess biex jiġu determinati l-prinċipji adatti għandu jkun immexxi mis-settur, jippermetti tagħlim reċiproku u jieħu perspettiva wiesgħa tal-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, li għandhom jinkludu r-riċiklaġġ, l-ekonomija ċirkolari u l-bidla fl-imġiba, kemm fost il-ħallieqa kulturali kif ukoll fost il-konsumaturi;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka komprensiva u tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati biex tiżviluppa strateġija speċifika għas-settur u gwida ta' “prattiki ambjentali tajba” li jkopru l-produzzjoni awdjoviżiva u kulturali, it-tixrid u l-organizzazzjoni tal-avvenimenti, b'enfasi partikolari fuq it-trasport, l-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-ġestjoni tal-iskart, u bl-għan li l-istandards kkonċernati jsiru standard għall-proġetti kollha ffinanzjati mill-programm; ifakkar li tali prattiki standard m'għandhomx isiru għad-detriment ta' proġetti u avvenimenti kulturali u awdjoviżivi ta' kwalità;

41.

Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku ekoloġiku biex tiġi żgurata l-provvista ta' prodotti u servizzi sostenibbli u ekokompatibbli fl-avvenimenti kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji komuni għall-akkwist pubbliku ekoloġiku għas-settur kulturali u tiżviluppa għodda biex tevalwa l-impatt ambjentali tal-avvenimenti kulturali; jenfasizza, barra minn hekk, l-impatt ambjentali tal-produzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv, u jistieden lill-Kummissjoni tuża t-taqsima MEDIA tal-programm Ewropa Kreattiva biex tippromwovi l-aħjar prattiki fis-settur awdjoviżiv, fir-rigward tas-sostenibilità, l-effiċjenza enerġetika u l-ħarsien tal-ambjent;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi s-sostenibilità u r-rispett għall-ambjent fil-kriterji ta' selezzjoni u ta' evalwazzjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura; jinsisti li l-Kapitali Ewropej tal-Kultura jridu wkoll josservaw il-karta li tistabbilixxi l-prinċipji ambjentali msemmija hawn fuq;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tawtorizza, bħala miżura transsettorjali, l-istabbiliment ta' network Ewropew ta' konsulenti tal-ambjent, il-klima u s-sostenibilità biex jagħtu pariri lill-iżviluppaturi tal-proġetti u lid-Desks tal-Programm Ewropa Kreattiva; iqis li l-aħjar prattiki għandhom jiġu kondiviżi u jsiru pubbliċi;

o

o o

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tat-tliet programmi.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0324.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 5.

(6)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 31.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2019)0150.

(8)  ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2019)0323.

(10)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(11)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 19.

(12)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.


L-Erbgħa, 16 ta’ Settembru 2020

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/10


P9_TA(2020)0212

Ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (2019/2156(INI))

(2021/C 385/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 191(1) u 208 tiegħu,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' April 2018 (1),

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992, il-Pjan Strateġiku Globali għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” tat-23 ta' Lulju 2019 (COM(2019)0352),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-2020-2024, il-Politika Esterna tal-UE dwar il-Popli Indiġeni tal-2016, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-popli indiġeni tal-15 ta' Mejju 2017 u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018)0773),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2013 bit-titolu “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” (COM(2013)0659),

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-2013 tal-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu “The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation” (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni),

wara li kkunsidra l-istudju tal-fattibbiltà tal-2018 dwar l-għażliet biex tissaħħaħ l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu “Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità” (COM(2008)0645),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ Forestali (FLEGT) tal-2003, il-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) tal-FLEGT ma' pajjiżi terzi u l-Pjan ta' Ħidma FLEGT 2018-2022,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, tal-21 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-kontribut tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ambjentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU bit-titolu “The State of the World's Forests 2020” (L-Istat tal-Foresti fid-Dinja 2020),

wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tan-NU dwar il-Foresti 2017-2030,

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel, u l-flussi ta' gassijiet serra fl-ekosistemi terrestri u l-ħames rapport tiegħu ta' valutazzjoni dwar it-tibdil fil-klima tal-2014: l-impatti, l-adattament, u l-vulnerabbiltà,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-2019 tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza (IPBES) dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-31 ta' Mejju 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0143/2020),

A.

billi bejn l-1990 u l-2016, intilfu 1,3 miljun kilometru kwadru tal-foresti tad-dinja, b'effetti distruttivi fuq il-bijodiversità, il-klima, il-popli, u l-ekonomija; billi minkejja l-isforzi kollha sa issa, għadd ta' impenji internazzjonali relatati mal-foresti, bħall-mira 15,2 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU (7) u l-mira 5 tal-Konvenzjoni ta' Aichi dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) (8), mhumiex fit-triq it-tajba biex jintlaħqu b'mod adegwat mill-politiki attwali; billi r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu “The European Environment – state and outlook 2020” (L-Ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020) jinnota li “l-artijiet msaġġra fl-Ewropa kienu fil-biċċa l-kbira stabbli matul dawn l-aħħar għoxrin sena”, iżda jwissi li “ftit li xejn kien hemm titjib fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet tal-foresti mill-2013” u li “d-disturbi naturali […] u dawk ikkawżati mill-bniedem […] huma theddid għall-foresti tal-Ewropa”;

B.

billi s-17-il SDG huma integrati u indiviżibbli; billi l-progress lejn agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti – ilkoll elementi ewlenin tal-SDGs – għandu jsir simultanjament;

C.

billi l-foresti huma kontributuri essenzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u billi, għall-kuntrarju, id-deforestazzjoni, b'mod partikolari d-deforestazzjoni tropikali, hija kontributur sinifikanti għat-tibdil fil-klima; billi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, huma t-tieni l-akbar kawża tat-tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-fjuwils fossili, u jammontaw għal kważi 12 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett ta' serra; billi l-foresti jospitaw ukoll 80 % tal-bijodiversità globali, jikkontribwixxu għal miżuri ta' tnaqqis tar-riskju ta' diżastri permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u jappoġġjaw l-għajxien ta' madwar 25 % tal-popolazzjoni globali, filwaqt li jirrappreżentaw parti kbira tal-art tradizzjonalment abitata minn popli indiġeni, u jikkontribwixxu għas-saħħa tal-bniedem, u jinkorporaw valuri kulturali, soċjetali u spiritwali insostitwibbli;

D.

billi skont il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, minħabba t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, id-disturbi naturali bħal nixfiet, għargħar, maltempati, infestazzjonijiet, erożjoni u nirien ser iseħħu aktar ta' spiss u b'intensità akbar, b'mod li jikkawżaw ħsara dejjem akbar lill-foresti tad-dinja; billi ż-żieda fl-investimenti f'soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura hija waħda mir-rimedji l-aktar kosteffikaċi biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet u jiġu protetti l-ekosistemi vitali, filwaqt li ttejjeb l-għajxien, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-ikel;

E.

billi hemm bżonn ta' azzjoni estensiva, ambizzjuża u konċertata, mirfuda minn rieda politika u soċjetali, biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti tad-dinja;

F.

billi t-tisħiħ tal-azzjoni biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti u tissaħħaħ il-kwantità u l-kwalità tal-ekosistemi tal-foresti għandu jkollu rwol kruċjali fil-politiki dwar is-sostenibbiltà tal-UE u tal-Istati Membri u f'li jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi sabiex jiġi limitat it-tisħin globali u jiġi indirizzat it-telf tal-bijodiversità, huwa essenzjali li l-foresti jiġu protetti, irrestawrati u ġestiti b'tali mod li tiġi mmassimizzata l-kapaċità tagħhom għall-ħżin tal-karbonju u l-protezzjoni tal-bijodiversità; billi l-foresti primarji jipprovdu aktar ħżin tad-diossidu tal-karbonju u ħabitat essenzjali li m'hemmx f'foresti iżgħar u li jkunu għadhom kif tħawlu;

G.

billi skont ir-Rapport tal-FAO dwar l-Istat tal-Foresti fid-Dinja tal-2020, globalment, “l-espansjoni agrikola tkompli tkun l-ixprun ewlieni tad-deforestazzjoni” flimkien mal-espansjoni urbana, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-minjieri; billi jeħtieġ li ssir ħidma mill-qrib mal-pajjiżi sħab tal-UE u l-partijiet ikkonċernati differenti biex jissaħħu l-interazzjonijiet innovattivi u pożittivi bejn l-agrikoltura u l-forestrija biex jinbnew sistemi agrikoli sostenibbli u titjieb is-sigurtà tal-ikel; billi l-UE hija wkoll indirettament involuta fid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fid-dinja u ekosistemi naturali oħrajn permezz tal-importazzjoni u l-konsum ta' prodotti bażiċi assoċjati mad-deforestazzjoni, bħas-sojja, iż-żejt tal-palm, il-gomma, il-qamħirrum, iċ-ċanga, il-ġilda u l-kawkaw; billi l-konsum tal-UE jirrappreżenta madwar 10 % tas-sehem globali tad-deforestazzjoni inkluża fil-konsum finali totali;

H.

billi investigazzjoni riċenti tal-Global Witness żvelat li, bejn l-2013 u l-2019, l-istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fl-UE kienu s-sors internazzjonali ewlieni ta' fondi għal sitt kumpaniji agrikoli marbuta mal-qerda tal-foresti fl-Amażonja, il-Baċir tal-Kongo u l-Papua New Guinea, u ffinanzjawhom b'ammonti li jlaħħqu EUR 7 biljun (9);

I.

billi l-impenji volontarji attwali mill-kumpaniji u l-banek biex jindirizzaw id-deforestazzjoni naqsu milli jwasslu l-bidla fl-imġiba meħtieġa biex titwaqqaf din il-qerda ambjentali diżastruża;

J.

billi l-impatt negattiv tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli fuq il-foresti tad-dinja u tal-UE kien jirrikjedi riformulazzjoni tad-Direttiva (10); billi madankollu l-bidliet introdotti mhumiex se jindirizzaw il-problema;

K.

billi s-sussidji għall-bijoenerġija mill-injam għandhom jiġu diretti mill-ġdid lejn l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

L.

billi r-regoli applikabbli tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli huma bbażati fuq il-fehim li l-ħsad tal-enerġija dedikat huwa sostenibbli, newtrali għall-klima, u jippermetti t-tiġdid tas-sors f'perjodu ta' żmien xieraq; billi dan il-fehim huwa żbaljat;

M.

billi se jkun hemm bżonn azzjoni fil-livelli kollha, inklużi miżuri regolatorji u infurzar aktar strett tal-leġiżlazzjoni attwali, kif ukoll se jkun meħtieġ investiment pubbliku u privat sostanzjali, biex jiġu protetti l-foresti tad-dinja u ekosistemi naturali oħra b'mod aktar effikaċi; billi dan jista' jinkiseb biss billi tiġi żgurata koerenza politika fis-setturi kollha u bejn il-politiki interni u esterni tal-UE tal-politiki permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara”;

N.

billi ż-żieda fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u ekosistemi naturali oħra, kif ukoll il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, huma importanti biex jippreservaw l-għajxien tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, jipprovdu opportunitajiet għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, u jippermettu l-iżvilupp ta' bijoekonomiji sostenibbli, filwaqt li jtejbu s-servizzi tal-ekosistema u jipproteġu l-bijodiversità; billi l-foresti jirrappreżentaw settur ekonomiku ekoloġiku bil-potenzjal li joħloq bejn 10 u 16-il miljun impjieg madwar id-dinja;

O.

billi l-foresti tal-mangrovji jissodisfaw servizzi kruċjali tal-ekosistema, peress li jaħżnu ammonti kbar ta' karbonju, huma sit riproduttiv importanti għal ħafna speċijiet ta' ħut tal-iskoll tal-qroll, u jipproteġu sikek tal-qroll minn tagħbijiet u sedimenti ta' nutrijenti, u minn żoni kostali mill-għargħar; billi sa ftit ilu, il-foresti tal-mangrovja koprew aktar minn tliet kwarti mill-kosti tropikali, iżda aktar minn nofshom intilfu minħabba l-iżvilupp kostali, l-akkwakultura, it-tniġġis, u l-użu mhux sostenibbli;

P.

billi l-konverżjoni tal-foresti tal-mangrovji tikkawża 10 % tal-emissjonijiet tal-karbonju mid-deforestazzjoni, minkejja li l-mangrovji jirrappreżentaw biss 0,7 % tal-foresti tropikali (11);

Q.

billi l-ammont ta' finanzjament ipprovdut mill-UE b'appoġġ għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f'pajjiżi sħab mhuwiex biżżejjed meta titqies l-iskala tal-problema; billi jeħtieġ li l-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u ekosistemi naturali oħra, kif ukoll il-kobenefiċċji u l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem relatati tagħhom, jiġu integrati aħjar fil-mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE;

R.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom tradizzjoni twila fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, kif ukoll għarfien espert fiha li jistgħu jużawh biex jassistu pajjiżi oħra fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'dan il-qasam;

S.

billi l-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali u d-difensuri ambjentali huma dejjem aktar mhedda u soġġetti għall-intimidazzjoni, filwaqt li qed jiffaċċjaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-foresti, l-art u l-ambjent tagħhom;

T.

billi l-opportunitajiet ta' patoġeni bħal viruses li jgħaddu minn annimali selvaġġi u domestiċi għall-bnedmin (żoonożi) jistgħu jiżdiedu bil-qerda u l-modifikazzjoni ta' ekosistemi naturali;

U.

billi politika sostenibbli u effettiva dwar il-foresti teħtieġ informazzjoni affidabbli dwar ir-riżorsi tal-foresti, il-kundizzjoni tagħhom, u kif inhuma ġestiti u użati, flimkien ma' informazzjoni affidabbli dwar it-tibdil fl-użu tal-art;

V.

billi l-foresti u l-katina ta' valur ibbażata fuq il-foresti huma fundamentali għall-iżvilupp ulterjuri ta' bijoekonomija ċirkolari billi jipprovdu impjiegi u benessri ekonomiku fiż-żoni rurali u urbani, jimmitigaw it-tibdil fil-klima u joffru benefiċċji relatati mas-saħħa;

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” u jqisha bħala bażi tajba għal azzjoni deċiżiva; jaqbel mal-ħames prijoritajiet ippreżentati fil-komunikazzjoni; jissottolinja li dawn il-prijoritajiet huma lkoll meħtieġa biex jitwaqqfu u jitreġġgħu lura d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali, b'mod partikolari l-foresti, kif ukoll it-telf tal-bijodiversità u l-ksur relatat tad-drittijiet tal-bniedem, u jeħtieġ li jiġu implimentati malajr u b'mod koerenti; ifakkar, madankollu, li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu aktar ambizzjużi fl-azzjonijiet tagħhom biex jissodisfaw l-impenji tagħhom u jindirizzaw l-urġenza tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja; jissottolinja l-importanza ta' sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi, inklużi miżuri regolatorji ġodda, li jkunu effettivi, komplementari, infurzabbli, u jinkludu l-monitoraġġ;

2.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi, ir-responsabbiltà u l-fondi tal-UE disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti, inklużi l-foresti Ewropej bħala parti mill-foresti tad-dinja, fil-qafas tal-politika ambjentali tal-UE; itenni li s-suċċess fl-azzjoni esterna tagħna u r-rispons tas-sħab tagħna biex jipproteġu l-foresti tagħhom jiddependi fuq kemm aħna effettivi u ambizzjużi fir-rigward tal-wirt naturali tagħna; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità tal-2030, l-ogħla standards ta' protezzjoni ambjentali u konsistenza akbar bejn il-kompitu li jiġu protetti u rrestawrati l-foresti kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fl-azzjoni esterna tagħha;

3.

Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma mistennija jieħdu azzjoni urġenti biex jipproteġu u jirrestawraw il-foresti b'tali mod li jissodisfaw l-impenji tagħhom skont l-SDGs tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi, il-Pjan Strateġiku Globali għall-Bijodiversità 2011-2020 u l-Pjan Strateġiku tan-NU għall-Foresti 2017-2030 u l-Għanijiet Globali tiegħu dwar il-Foresti;

4.

Jenfasizza r-rwol tal-foresti biex tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti negattivi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima; jissottolinja l-ħtieġa li tittieħed azzjoni konkreta u effettiva fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta' adattament għall-klima, li jinkorporaw is-sinerġiji bejn il-mitigazzjoni u l-adattament;

5.

Jenfasizza l-kontribut pożittiv tal-foresti għas-saħħa tal-bniedem u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-valur ambjentali għoli pprovdut f'termini tas-sekwestru tal-karbonju, il-ħażna tal-ilma, il-kontroll tal-erożjoni u l-provvista ta' protezzjoni minn uqigħ tal-art;

6.

Jissottolinja l-fatt li l-kawżi tad-deforestazzjoni jmorru lil hinn mis-settur tal-foresti nnifishom u huma relatati ma' firxa vasta ta' kwistjonijiet bħall-pussess tal-art, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-politiki agrikoli, it-tibdil fil-klima, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà politika;

7.

Jenfasizza li n-nisa indiġeni u l-bdiewa nisa jiżvolġu rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-ekosistemi forestali; jinnota bi tħassib, madankollu, l-assenza tal-inklużjoni u tal-emanċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni dwar il-forestrija tiżvolġi rwol fundamentali fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għandha tiġi riflessa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT);

8.

Jappella lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza d-deforestazzjoni b'mod olistiku permezz ta' qafas ta' politika koerenti filwaqt li tiżgura l-konservazzjoni tal-ekosistemi; ifakkar fl-importanza li jiġu rrispettati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġja n-negozjati kontinwi biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkun involuta b'mod proattiv f'dan il-proċess;

9.

Jaqbel mar-referenza fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għan-natura insostitwibbli tal-foresti primarji u jenfasizzaha, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-protezzjoni tal-foresti nattivi tipprovdi benefiċċju eċċellenti ta' mitigazzjoni tal-klima, li jirriżulta mid-daqs u l-ħajja twila tal-istokkijiet tal-karbonju tal-ekosistema tagħhom; jenfasizza li l-afforestazzjoni, meta ssir b'mod li jkun kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib tal-ekosistemi lokali, tista' tgħin biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, filwaqt li jinnota li l-foresti mħawla ġodda ma jistgħux jissostitwixxu l-foresti primarji; jenfasizza li s-salvagwardja tal-foresti għandha tkun prijorità politika tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tmexxi bl-eżempju u tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji ambjentali u soċjali internazzjonali tagħha u tal-Istati Membri tagħha, inklużi dwar il-klima, il-bijodiversità u d-drittijiet tal-bniedem;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-oqsma prijoritarji eżistenti, u jinkludu miri vinkolanti għall-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi forestali, speċjalment il-foresti primarji, bħala parti mill-istrateġija futura tal-UE dwar il-foresti, li għandha tkun kompletament konsistenti mal-proposta deskritta fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 għal miri vinkolanti dwar ir-restawr u ż-żoni protetti; jissottolinja l-importanza li jiġu pprovduti appoġġ u finanzjament adegwati għal dawn il-miżuri;

11.

Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-mangrovji u lill-foresti fiż-żoni tal-kosta, li jintlaqtu b'mod partikolari mill-impatt tat-tibdil fil-klima u jirrappreżentaw opportunità kbira għall-politiki ta' konservazzjoni, adattament u mitigazzjoni; jiddispjaċih għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma fiha l-ebda referenza għall-foresti tal-mangrovji; jenfasizza li 80 % tal-bijodiversità terrestri tinsab fil-foresti u li l-foresti tal-mangrovja huma importanti kemm mil-lat tal-klima kif ukoll tal-bijodiversità, inkluż l-għajxien tal-komunitajiet lokali rispettivi;

12.

Jenfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni ambjentali u fil-konsum sostenibbli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa u l-parteċipazzjoni pubblika f'miżuri relatati mal-foresti u mal-użu tal-art sabiex jiġu pprevenuti d-deforestazzjoni u d-degaradazzjoni tal-foresti, jiġu promossi l-protezzjoni tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jiġu appoġġjati l-protezzjoni u r-restawr tal-foresti naturali, fil-livelli reġjonali u globali; jenfasizza l-importanza li tinħoloq pjattaforma online għal djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri dwar id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-modi kif tiżdied b'mod sostenibbli l-art msaġġra fid-dinja ħalli jinbnew alleanzi, jinħolqu impenji konġunti, titwaqqaf id-deforestazzjoni u jkunu skambjati l-esperjenzi u l-informazzjoni;

13.

Jenfasizza r-rwol kruċjali, id-drittijiet u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, inklużi n-nisa, fil-protezzjoni tal-foresti tad-dinja u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar dawn il-foresti; jirrikonoxxi, barra minn hekk, it-theddid u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li dawn qed jiffaċċjaw; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tqis ir-rwol tagħhom u tinvolvihom fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri ta' protezzjoni tal-foresti, kemm fil-livell globali, tal-UE, kif ukoll fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali;

14.

Ifakkar li ħafna bdiewa huma konxji tal-foresti bħala parti integrali u neċessarja mill-pajsaġġ għall-funzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali rilevanti tagħhom, u li storikament huma stinkaw biex jipproteġu, jużaw u jirriġeneraw il-foresti, u li għadhom qed jagħmlu dan sal-ġurnata tal-lum; jinnota li ċerti komunitajiet lokali u popli indiġeni użaw tekniki tal-biedja tradizzjonali għal sekli sħaħ biex jippreservaw il-foresti, bil-fehim speċjali tagħhom tal-użu sostenibbli tal-art;

15.

Ifakkar li l-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, il-bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u n-nisa għandhom għarfien indispensabbli fir-rigward tal-foresti u jiddependu ħafna fuq dan l-għarfien; jistieden lill-UE tiżgura r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-pussess tal-art u tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom bħala aspett tal-ġustizzja soċjali, bi qbil mal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti (VGGT) tal-FAO tan-NU, mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u mal-Konvenzjoni 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp tal-UE li jħallu impatt fuqhom u fl-infurzar tal-miżuri maħsuba għall-protezzjoni forestali, abbażi tat-tagħlimiet misluta mill-programm FLEGT;

16.

Ifakkar fl-importanza ta' aċċess adegwat għall-ġustizzja, għal rimedji legali u għal protezzjoni effettiva għall-informaturi fil-pajjiżi li jesportaw riżorsi naturali sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni jew inizjattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-appoġġ tagħhom lid-difensuri kollha tal-ambjent u tal-foresti fl-UE u mad-dinja kollha;

17.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li żżid is-sostenibbiltà u t-trasparenza tal-katina tal-provvista u tal-investiment sabiex tiżgura l-konsum ta' prodotti minn katini ta' provvista li ma jikkawżawx deforestazzjoni; itenni l-importanza ta' sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi f'dan ir-rigward;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni, hi u tiżviluppa kwalunkwe azzjoni u inizjattiva bħal dawn, biex tikkunsidra wkoll kif dawn jistgħu jikkontribwixxu bl-aħjar mod għall-protezzjoni ta' ekosistemi naturali rilevanti oħra f'riskju serju ta' degradazzjoni jew konverżjoni;

19.

Jemmen li definizzjoni unika tal-kunċett ta' katina tal-provvista li ma tikkawżax deforestazzjoni hija essenzjali biex tiġi indirizzata l-problema tal-prodotti bażiċi li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ambizzjuża; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rabta b'saħħitha bejn il-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti u l-SDGs;

20.

Jinnota li l-promozzjoni ta' skemi ta' ċertifikazzjoni trasparenti għal prodotti bażiċi li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni hija waħda minn għadd ta' għodod xierqa; jirrimarka, madankollu, li l-għan ewlieni ta' skemi bħal dawn irid ikun li tiġi miġġielda d-deforestazzjoni;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, mingħajr dewmien, studji dwar skemi ta' ċertifikazzjoni u verifika fis-settur tal-foresti u għal prodotti bbażati fuq l-injam u dwar skemi ta' ċertifikazzjoni għal prodotti bażiċi li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta dawn l-istudji lill-Parlament għal aktar kunsiderazzjoni, flimkien ma' azzjonijiet u miżuri ta' segwitu proposti sabiex tinkoraġġixxi standards aktar stretti u tiżgura t-trasparenza taċ-ċertifikazzjoni u ta' skemi ta' verifika minn partijiet terzi;

22.

Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li tintegra ulterjorment il-kunsiderazzjonijiet dwar id-deforestazzjoni fi ħdan l-Ekotikketta tal-UE, l-akkwist pubbliku ekoloġiku u inizjattivi oħra fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, bħala parti minn sett komprensiv ta' azzjonijiet u inizjattivi biex tiżgura ktajjen ta' provvista li ma jikkawżawx deforestazzjoni;

23.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, mingħajr dewmien, proposta b'impatt ivvalutat għal qafas legali tal-UE bbażat fuq id-diliġenza dovuta, sabiex jiġu żgurati ktajjen ta' provvista sostenibbli u li ma jikkawżawx deforestazzjoni għall-prodotti u prodotti bażiċi li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni importata; iqis li qafas bħal dan għandu jkun infurzabbli u f'konformità mal-istandards u l-obbligi internazzjonali, għandu japplika għall-katina tal-provvista kollha ladarba evalwazzjoni bir-reqqa tkun ikkonkludiet li dan ikun funzjonali u applikabbli għall-atturi kollha fis-suq, inklużi l-SMEs, u għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu robust ta' infurzar, inklużi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi; jirrimarka li l-miżuri tal-UE f'dan ir-rigward m'għandhomx iwasslu għal telf ta' dħul għan-nies fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda għal opportunitajiet ekonomiċi ġodda u għal trasformazzjoni globali f'ekonomija aktar sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiddikjara l-appoġġ tagħha għall-kwistjoni tas-sostenibbiltà tal-ktajjen tal-provvista, inklużi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, fil-fora internazzjonali tal-kummerċ tal-prodotti bażiċi rilevanti;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rekwiżiti relatati mad-diliġenza dovuta għall-istituzzjonijiet finanzjarji għall-identifikazzjoni, għall-prevenzjoni u għall-mitigazzjoni tal-impatti ambjentali, soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem tad-deforestazzjoni kkawżata mill-UE, bil-għan li jiġi garantit li l-ebda entità finanzjarja jew bankarja tal-UE ma tkun marbuta, direttament jew indirettament, mad-deforestazzjoni, mad-degradazzjoni tal-foresti, mal-konverżjoni jew mad-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali jew mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

25.

Jenfasizza r-rwol tas-sidien tal-foresti u tal-maniġers biex jiżguraw żvilupp sostenibbli tal-foresti; jenfasizza li l-industriji forestali Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għall-avvanz tal-istandards globali għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; jemmen li l-industriji Ewropej, l-SMEs u l-mikrointrapriżi fis-settur forestali għandhom jiżvolġu rwol fundamentali fid-djalogu mal-pajjiżi sħab dwar il-mod kif jistgħu jkomplu jippromwovu s-sostenibbiltà fil-katina tal-valur kollha kemm hi;

26.

Jistieden lis-settur privat ikun proattiv fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni fil-ktajjen tal-provvista u fl-investimenti tiegħu, billi jonora mingħajr dewmien l-impenji tiegħu f'dak li jikkonċerna d-deforestazzjoni kif ukoll jiżgura trasparenza sħiħa fir-rigward tal-konformità mal-impenji li ħa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mobilizzati investimenti privati sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tad-deforestazzjoni u sabiex jitwettqu l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istess ħin, issaħħaħ il-kooperazzjoni mas-settur privat u tiżviluppa strumenti xierqa biex tinċentiva lil dawk li jinsabu fuq quddiem nett abbażi tal-prinċipju ta' responsabbiltà kondiviża; jilqa' r-rieżami li għaddej bħalissa tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (12) u jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-kwalità u l-ambitu tad-divulgazzjonijiet mhux finanzjarji, b'mod partikolari dwar l-aspetti ambjentali, u biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet dwar il-foresti f'responsabbiltà soċjali korporattiva; ifakkar ukoll fl-importanza li jiġu rrispettati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġja n-negozjati kontinwi biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkun involuta b'mod proattiv f'dan il-proċess;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mas-settur privat u ma' atturi oħra fil-qasam tal-iżvilupp, soluzzjonijiet ġodda tal-finanzjament u tal-assigurazzjoni f'każ ta' riskju fil-konfront ta' eventi katastrofiċi li jolqtu għadd kbir ta' ettari ta' foresti;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tistimola l-innovazzjoni u l-inizjattivi xprunati mill-industrija sabiex tissaħħaħ is-sostenibbiltà fil-ktajjen ta' valur;

29.

Iqis li hemm bżonn ridirezzjonar tal-flussi finanzjarji privati u pubbliċi fis-setturi industrijali rilevanti lejn attivitajiet li ma jikkawżawx deforestazzjoni; ifakkar li sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tat-Tassonomija (13) għal attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti lis-sostenibbiltà ambjentali;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu effiċjenti tal-mekkaniżmi ta' finanzjament imħallat biex jattiraw il-finanzjament tas-settur privat fir-restawr tal-foresti;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri speċifiċi biex isaħħu l-qafas politiku u regolatorju li jappoġġja l-protezzjoni u r-restawr tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-livell globali, u biex jipprovdu gwida u miżuri speċifiċi dwar l-ippjanar sostenibbli tal-użu tal-art; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi skambju ta' prattiki tajba bejn id-diversi Stati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinkoraġġixxi l-fatt li l-proċessi tar-riforma ġuridika fil-pajjiżi produtturi jitwettqu bil-parteċipazzjoni effettiva u sinifikattiva tal-partijiet ikkonċernati kollha, fosthom is-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, b'attenzjoni speċjali għall-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa;

32.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti u bijoekonomija sostenibbli; jirrikonoxxi li l-mudelli sostenibbli tal-ġestjoni tal-foresti u l-użu sostenibbli tal-art globalment jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u għandhom ikunu bbażati fuq l-ogħla standards ta' sostenibbiltà, filwaqt li jirrikonċiljaw is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjetali, mal-protezzjoni tal-bijodiversità u ta' bjar tal-karbonju ta' valur bħala elementi ċentrali filwaqt li jżommu l-valur intrinsiku, il-produttività u s-servizzi tal-ekosistemi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi forestrija u agrikoltura sostenibbli u tiżviluppa mekkaniżmi ta' inċentivi għall-bdiewa ta' azjendi agrikoli żgħar u għall-komunitajiet lokali f'pajjiżi sħab u ttejjeb is-servizzi u l-prodotti ekosistemi miksuba permezz tal-forestrija u tal-agrikoltura sostenibbli; jenfasizza l-importanza tas-sistemi agroforestali għall-produzzjoni agrikola, id-diversifikazzjoni, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih kif ukoll il-prevenzjoni tad-deżertifikazzjoni; jirrimarka li dawn is-sistemi agroforestali huma kkaratterizzati minn effettività akbar tal-użu tal-art minn sistemi agrikoli oħra; jitlob bidla bil-għan li jkunu sistematikament inċentivati s-sistemi agroforestali eżistenti b'valur naturali għoli, jiġi ffaċilitat ir-restawr tagħhom u jkun offrut it-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġi ssimplifikat dan il-metodu ta' produzzjoni;

33.

Jenfasizza l-fatt li Orizzont 2020 diġà ffinanzja riċerka u innovazzjoni sinifikanti fit-tranżizzjoni lejn prattiki tal-użu tal-art u ktajjen tal-provvista aktar sostenibbli ħalli jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jitlob li jkun hemm żieda fil-finanzjament sabiex Orizzont Ewropa jkun jista' jkompli jipprovdi appoġġ f'dawn l-oqsma;

34.

Jiġbed l-attenzjoni lejn id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Katowice dwar il-Foresti għall-Klima, fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), adottata mill-komunità internazzjonali fit-12 ta' Diċembru 2018, li tenfasizza l-importanza tal-foresti u l-użu tal-injam għall-protezzjoni tal-klima u tistabbilixxi dawk il-kwistjonijiet fil-kuntest ta' objettivi u deċiżjonijiet internazzjonali oħra relatati mal-foresti; jinnota li, kif hemm iddikjarat fid-dikjarazzjoni, dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' ġestjoni attiva multifunzjonali tal-foresti, li jfisser strateġija ta' ġestjoni li tqis u ssib bilanċ bejn l-objettivi kollha relatati mal-foresti, bħall-ħżin tal-karbonju, il-protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħamrija, l-estrazzjoni tal-materja prima, id-divertiment u l-produzzjoni tal-ikel;

35.

Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-forestrija, flimkien mal-biedja, fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-użu tal-art fiż-żoni rurali tal-UE u tad-dinja; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-varjetà li teżisti fil-ġestjoni tal-foresti, fis-sjieda tal-foresti, fl-agroforestrija u fil-possibbiltajiet bejn l-Istati Membri;

36.

Jenfasizza li l-metodi użati biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” m'għandhomx iwasslu għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti f'partijiet oħra tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex sal-2021 tirrieżamina l-aspetti rilevanti tar-rapport mehmuż mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 (14) u, jekk ikun meħtieġ, tirrevedi dan ir-Regolament mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ qabel l-2023, abbażi tal-għarfien xjentifiku u f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni; jitlob lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta d-data dwar is-sojja u biex telimina b'mod gradwali l-bijofjuwils b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2030;

37.

Jisħaq fuq il-bżonn li jonqos il-konsum tal-UE tal-injam u ta' prodotti bbażati fuq l-injam bis-saħħa tal-promozzjoni ta' ekonomija aktar ċirkolari, tal-minimizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart u tal-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni min-naħa tal-konsumatur dwar il-konsegwenzi ekoloġiċi tal-prodotti bażiċi bbażati fuq l-injam;

38.

Ifakkar fl-ittra ta' aktar minn 700 xjenzjat li titlob li ssir reviżjoni xjentifikament soda tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, b'mod partikolari l-esklużjoni ta' ċerti tipi ta' bijomassa tal-injam milli tkun tgħodd għall-mira u mill-eliġibilità biex tirċievi appoġġ;

39.

Jiddenunzja ż-żieda fl-użu tal-injam għall-bijofjuwils u għall-bijoenerġija, fatt li qiegħed joħloq pressjoni fuq il-foresti tal-UE u tad-dinja fid-dawl taż-żieda fid-domanda għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

40.

Jinnota li fi ħdan il-COP23 ġie kkonstatat li għadd ta' pajjiżi, li fihom ħafna foresti primarji u bi grad għoli ta' bijodiversità u li jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni dinjija, jaspiraw li jżidu l-użu tal-injam u tal-materjal veġetali ieħor biex jiġġeneraw l-enerġija (15); itenni li l-UE ma għandhiex tkun ta' eżempju ħażin u jeħtiġilha tiżgura li r-regoli li jorjentaw il-politika tal-enerġija rinnovabbli ma jwasslux għad-deċimazzjoni u d-degradazzjoni tal-ekosistemi;

41.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-impatt li ż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils għandha fuq id-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirriforma fundamentalment il-politiki tal-UE fil-qasam tal-bijoenerġija, jiġifieri billi tirrevedi d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura miżuri effettivi għall-produzzjoni u l-użu sostenibbli ta' fjuwils mill-injam, anke fid-dawl tal-livell għoli ta' importazzjonijiet ta' pellets tal-injam fl-UE u r-riskji potenzjali ta' dawn l-importazzjonijiet għall-foresti fil-pajjiżi terzi; iqis li l-prinċipju tal-użu kaskata għandu jitħeġġeġ u jista' jintuża bħala mod ta' benefiċċju biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

43.

Ifakkar li mad-dinja kollha madwar 2,6 biljun ruħ jużaw bijomassa tradizzjonali għat-tisjir, prinċipalment injam u faħam, filwaqt li madwar tliet kwarti minnhom m'għandhomx aċċess għal stufi effiċjenti; jistieden lill-UE tintenfisika l-appoġġ lill-pajjiżi terzi biex jaqilbu għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u sostenibbli, u tnaqqas il-pressjoni fuq id-deforestazzjoni kkawżata mill-użu tal-injam bħala fjuwil; jenfasizza li kieku s-sistemi tal-enerġija tal-pajjiżi terzi kienu aktar deċentralizzati, dan jippermetti għal tranżizzjoni bla xkiel lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli.

44.

Jinnota li l-importanza soċjali u ekonomika tal-agrikoltura qed tikber aktar ma tiżdied il-popolazzjoni dinjija li teħtieġ produzzjoni akbar ta' ikel u prodotti bażiċi agrikoli filwaqt li jittaffa t-tibdil fil-klima; jinnota bi tħassib l-istima li 14 % tal-ikel tad-dinja jintilef mill-mument tal-ħsad, il-qatla u l-qbid (16) u jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjonijiet koerenti biex jiġi evitat it-telf tal-ikel u l-ħela tal-ikel tul il-katina alimentari u li ssir reazzjoni rapida għall-kriżijiet li jistgħu jikkawżaw skarsezzi tal-ikel;

45.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' dieti sostenibbli, billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatti tal-mudelli tal-konsum u tingħata informazzjoni dwar id-dieti li huma aktar ta' ġid għal saħħet il-bniedem u li jħallu impronta ambjentali aktar baxxa;

46.

Jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar progress sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-UE dwar il-pjanti tal-proteini u l-iżgurar ta' produzzjoni robusta ta' pjanti tal-proteini fi ħdan l-UE sabiex jiġi limitat il-periklu tad-deforestazzjoni marbuta ma' dawn l-għelejjel f'reġjuni oħra tad-dinja u biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet u titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-foresti minħabba t-tibdil fl-użu tal-art; jenfasizza li dan il-progress għandu jsir, inter alia, permezz tal-adozzjoni usa' tan-newba tal-għelejjel flimkien ma' appoġġ u gwida għall-bdiewa fiż-żoni li huma adattati għall-kultivazzjoni tal-pjanti tal-proteini u li azzjoni bħal din tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni u l-pressjoni minn fuq il-foresti minħabba t-tibdil fl-użu tal-art; jitlob, għalhekk, l-introduzzjoni ta' kriterji ta' sostenibbiltà għall-importazzjonijiet tal-proteini veġetali;

47.

Huwa tal-fehma li l-kawżi tad-deforestazzjoni għandhom jiġu indirizzati f'qafas ta' politika tal-UE, biex b'hekk tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki relatati mal-foresti u titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-foresti; huwa tal-fehma li tali qafas ta' politika għandu jinkoraġġixxi biedja li kulma jmur tkun aktar innovattiva, sostenibbli u effiċjenti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, u jnaqqas it-telf tal-ikel tul il-katina alimentari kollha permezz ta' teknoloġiji ġodda; jirrimarka li l-miri deskritti fil-qosor fil-qafas jistgħu jintlaħqu billi l-bdiewa jingħataw aċċess faċli għall-finanzjament sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw teknoloġiji avvanzati ta' biedja bi preċiżjoni għolja;

48.

Jenfasizza li, filwaqt li l-bdiewa huma fil-qalba tal-forniment tal-bżonnijiet bażiċi agrikoli u tal-ikel tagħna, il-ħidma tagħhom tiddependi mir-riżorsi naturali bħall-ħamrija, l-ilma u l-foresti; jinnota li r-rikonoxximent tal-multifunzjonalità tal-foresti huwa kruċjali sabiex jiġi ġestit tajjeb il-wirt forestali globali tagħna; jenfasizza li l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali – li jvarjaw mill-produzzjoni tradizzjonali tal-injam u prodotti oħra, sas-servizzi tal-ekosistema, il-bijodiversità u benefiċċji ambjentali oħra bħall-assorbiment u l-ħżin tal-karbonju, li jipprevjenu l-erożjoni tal-ħamrija u jtejbu l-kwalità tal-arja u tal-ilma – huma lkoll konnessi u interdipendenti; jenfasizza li tali aspetti jirrikjedu approċċ olistiku u koerenti f'dawk li huma l-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni tal-foresti u l-indirizzar determinat tal-problema tad-deforestazzjoni;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi speċifiċi biex jarmonizzaw id-data u jtejbu d-disponibbiltà tal-informazzjoni u d-data miksuba permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni eżistenti u ġodda relatati mal-foresti tad-dinja u tal-UE, u jiżguraw li l-informazzjoni tiġi mxerrda f'forma li tkun aċċessibbli, faċli li tintuża u komprensibbli għall-awtoritajiet regolatorji u ta' infurzar, għall-pubbliku, għall-konsumaturi u għas-settur privat u lesta biex tintuża minn dawk li jfasslu l-politiki; jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-istatistika tagħhom dwar il-volum ta' injam li jixtru, inkluż indikazzjoni ta' kemm materjal sostenibbli, legali u b'liċenzja tal-FLEGT jaf ikun inkluż fl-akkwist tagħhom;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi sabiex itejbu d-disponibbiltà, il-kwalità u l-armonizzazzjoni ta' informazzjoni affidabbli dwar ir-riżorsi tal-foresti u t-tibdil fl-użu tal-art sabiex il-proċess tat-tfassil tal-politiki jiġi informat permezz tal-parteċipazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inkluż fil-pajjiżi sħab;

51.

Jenfasizza li l-monitoraġġ kredibbli u affidabbli u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-foresti huma essenzjali biex tittejjeb il-governanza forestali u tiġi ffaċilitata l-konformità mal-impenji favur “deforestazzjoni żero” fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-UE żżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi sħab sabiex tikseb dawn l-għanijiet u tgħinhom jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex itejbu l-istrutturi ta' governanza tal-foresti lokali u l-obbligu ta' rendikont;

52.

Jenfasizza li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa prattika għaddejja mhux biss fil-pajjiżi terzi, iżda wkoll fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'mod deċiżiv biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-qtugħ illegali tas-siġar; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema Ewropea ta' inventarju u ta' konservazzjoni forestali bbażata fuq sistema ta' monitoraġġ bl-użu tal-GNSS (Galileo u Copernicus) u networks fuq l-art biex jimmonitorjaw l-attività relatata mal-qtugħ tas-siġar mill-punt tal-ħsad sal-punti ta' dħul u ħruġ tal-kumpaniji li jipproċessaw l-injam; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq il-prevenzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam (17) u l-FLEGT; jissottolinja l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza pubblika dwar l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u tar-reati relatati mal-foresti;

53.

Ifakkar li r-riskju tan-nirien fil-foresti mistenni jiżdied minħabba t-tibdil fil-klima; jissottolinja l-ħtieġa, għalhekk, li jissaħħu konsiderevolment l-isforzi ta' prevenzjoni u ta' preparazzjoni permezz ta' kollaborazzjoni internazzjonali fl-istrumenti ta' twissija bikrija, fir-reżiljenza għad-diżastri u fil-miżuri marbuta mal-mitigazzjoni tar-riskji; jirrakkomanda lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni globali (bħall-Global Wildfire Information System – is-Sistema Globali ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti) u reġjonali (bħall-European Forest Fire Information System – is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti) għall-monitoraġġ tal-impatt tan-nirien fil-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għarfien espert tagħha u tkattar l-użu tas-sistema satellitari Copernicus REDD+ biex tappoġġja l-monitoraġġ tar-riskju forestali globali u d-deforestazzjoni f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi;

54.

Itenni li l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE għandha tinkludi kapitoli vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jirrispettaw bis-sħiħ l-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel il-Ftehim ta' Pariġi element essenzjali tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha, kemm dawk komprensivi kif ukoll is-sottoftehimiet rilevanti, ikun fihom dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli, inklużi dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni relatata mal-qtugħ illegali tas-siġar, għall-prevenzjoni tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti;

55.

Jilqa' pożittivament il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara” kif enfasizzat fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jirrakkomanda, f'dak il-kuntest, li l-Kummissjoni tivvaluta aħjar l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti fuq id-deforestazzjoni u tiżgura li dispożizzjonijiet aktar ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-foresti, il-bijodiversità u l-forestrija sostenibbli jiġu inklużi fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ta' investiment kollha;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-istat tal-foresti, tal-bijodiversità u tad-drittijiet tal-bniedem jiġi evalwat b'mod sistematiku fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà u metodi ta' valutazzjoni rilevanti oħra, b'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u li l-konklużjonijiet ta' dawn il-valutazzjonijiet sussegwentement jitqiesu bis-sħiħ meta jiġi nnegozjati u konklużi tali ftehimiet;

57.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jitjiebu l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament dwar l-Injam sabiex il-kummerċ fl-injam u fil-prodotti tal-injam importati u prodotti fuq livell domestiku jiġi indirizzat bl-aħjar mod; jinnota, barra minn hekk, li l-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam għandhom ikunu soġġetti għal kontroll aktar bir-reqqa fil-fruntieri tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-prodotti importati tassew jikkonformaw mal-kriterji meħtieġa biex jitqiegħdu fis-suq tal-UE; ifakkar li l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt diġà huwa qasam ta' azzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, iżda li l-ħidma li saret sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni ma kinitx suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li testendi l-obbligi tad-diliġenza dovuta mogħtija mir-Regolament dwar l-Injam biex l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt jiġi kopert fil-qafas tar-rieżami li jmiss; jenfasizza li t-tisħiħ tal-politiki eżistenti jrid isir pari passu maż-żieda fil-koerenza tal-politiki bil-għan li jiġi żgurat li l-politiki tal-UE, fosthom dik kummerċjali, ma joħolqux riperkussjonijiet negattivi fuq l-ambjent jew il-persuni;

58.

Jinnota b'dispjaċir li l-livell attwali ta' monitoraġġ tal-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam fl-UE mhuwiex biżżejjed, speċjalment fir-rigward tal-kontroll li jissodisfa l-kriterji meħtieġa għad-dħul fl-UE;

59.

Ifakkar li l-objettiv tal-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) dwar il-FLEGT huwa li jipprovdu qafas legali li għandu l-għan li jiżgura li l-importazzjonijiet kollha tal-injam u tal-prodotti tal-injam mill-pajjiżi sħab fl-UE li huma koperti mill-VPAs ikunu ġew prodotti legalment; jisħaq li l-VPAs huma ġeneralment maħsuba biex irawmu bidliet sistemiċi fis-settur tal-forestrija bil-għan li tiġi żviluppata ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-qerda tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-appoġġ għall-isforzi dinjija biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jissottolinja li l-VPAs jipprovdu qafas legali importanti kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab tagħha u dan huwa possibbli permezz ta' kooperazzjoni u impenn tajbin min-naħa tal-pajjiżi kkonċernati;

60.

Jilqa' l-progress li sar permezz tal-VPAs dwar il-FLEGT u ż-żieda fid-djalogu bejn il-gvernijiet, l-industrija u s-soċjetà ċivili f'diversi pajjiżi bħala riżultat tal-proċess tal-VPAs; jinnota li sal-lum, seba' pajjiżi rratifikaw il-VPAs mal-UE (il-Kamerun, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Ghana, l-Indoneżja, il-Liberja, ir-Repubblika tal-Kongo u l-Vjetnam), li fosthom l-Indoneżja hija l-ewwel u s'issa l-uniku sieħeb tal-VPA b'liċenzja FLEGT u li ilu operattiv mill-2016, u li l-UE kkonkludiet negozjati u bdiet VPAs mal-Honduras u mal-Guyana, filwaqt li għaddejjin negozjati ma' sitt pajjiżi oħra (il-Kosta tal-Avorju, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Gabon, il-Laos, it-Tajlandja u l-Malasja); jenfasizza li l-VPAs jikkostitwixxu qafas tassew effettiv fejn jiġu stabbiliti sħubiji tajbin ma' dawn il-pajjiżi u li għandhom jiġu promossi VPAs ġodda ma' sħab addizzjonali; jinsab konvint li l-UE għandha tkompli timpenja ruħha mal-pajjiżi tal-VPAs dwar il-FLEGT biex tiżgura li tibqa' alternattiva attraenti għas-swieq tal-esportazzjoni li għandhom standards ambjentali inqas stretti; jirrikonoxxi l-importanza tar-Regolament FLEGT (18) u tar-Regolament dwar l-Injam għall-prevenzjoni tad-dħul ta' injam maqtugħ illegalment fis-suq tal-UE; jappella biex l-UE żżid il-finanzjament għall-FLEGT; jilqa' l-kontroll tal-idoneità li jmiss mill-Kummissjoni tar-Regolament FLEGT u tar-Regolament dwar l-Injam, li huwa opportunità biex jissaħħah l-infurzar tagħhom u jitkabbar l-ambitu tagħhom;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta ssaħħaħ il-politiki eżistenti, tiżgura l-koerenza tal-VPAs dwar il-FLEGT mal-politiki kollha tagħha, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-ambjent, tal-agrikoltura u tal-kummerċ; jappella lill-Kummissjoni biex tinnegozja standards għall-importazzjoni tal-injam fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ fuq livell bilaterali jew multilaterali fil-ġejjieni, b'mod li ma jiddgħajfux is-suċċessi li nkisbu permezz tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT flimkien mal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

62.

Jemmen li l-proċess ta' liċenzjar tal-FLEGT jikkomplementa ċ-ċertifikazzjoni volontarja ta' partijiet terzi, u li huwa partikolarment ta' benefiċċju għal operaturi iżgħar li ta' spiss jitħabtu biex jiksbu ċertifikazzjoni permezz ta' skemi tas-settur privat;

63.

Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali billi żżid l-isforzi fil-fora internazzjonali ewlenin, inkluż fid-WTO u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD); jappella lill-Kummissjoni tinvestiga modi ta' kooperazzjoni multilaterali, plurilaterali jew bilaterali, inkluż li n-negozjati jsiru aktar malajr fid-WTO dwar Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, ma' sħab kummerċjali u pajjiżi importaturi oħra fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u t-tibdil fil-klima li jirriżultaw mill-importazzjonijiet, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-modi għall-kummerċ legali u t-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-agrikoltura, kif ukoll il-pussess tal-art u l-governanza tajba f'pajjiżi terzi;

64.

Jenfasizza li, fil-ftehimiet kummerċjali kollha, inklużi l-Mercosur u oħrajn, jiġu inklużi impenji ċari għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni;

65.

Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mid-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament dwar l-Antidumping (19) fir-rigward tal-politiki ambjentali u klimatiċi;

66.

Jappella biex l-UE toħloq rabta aktar b'saħħitha bejn il-politiki ta' kummerċ u dawk ta' żvilupp, inter alia permezz ta' implimentazzjoni aħjar tar-regoli tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi Plus (SĠP+) fil-pajjiżi sħab; jappella lill-Kummissjoni biex taħdem mar-riċevituri tas-SĠP+ dwar pjanijiet ta' azzjoni tal-ġestjoni tal-foresti biex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-impenji ambjentali tagħhom.

67.

Jenfasizza li l-emerġenza klimatika u l-konsegwenzi tat-telf massiċċ tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddida serja għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jivvalutaw bir-reqqa kif l-azzjoni esterna tagħhom tista' tikkontribwixxi bl-aħjar mod f'approċċ olistiku u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem immirat biex iwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-bijodiversità bħala dritt tal-bniedem fil-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020;

68.

Jenfasizza l-importanza li jiġi ffaċilitat approċċ ta' sħubija inklużiva fil-livelli kollha ma' pajjiżi terzi sabiex titkompla l-ġielda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, tissaħħaħ il-ġestjoni sostenibbli tal-art u l-agrikoltura, kif ukoll il-pussess tal-art u l-governanza tajba, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-popli indiġeni, bdiewa żgħar u komunitajiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi permezz tal-assistenza teknika, skambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajba fil-preservazzjoni, il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti, l-ekonomija ċirkolari, bijoekonomija sostenibbli, enerġija rinnovabbli, agrikoltura intelliġenti sostenibbli, agroekoloġija u agroforestrija, filwaqt li tirrikonoxxi l-inizjattivi ta' sostenibbiltà mis-settur privat, bħall-iskemi ta' kummerċ ġust; jinsisti li d-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandha tissaħħaħ aktar permezz ta' alleanzi u sħubijiet immirati biex jindirizzaw l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, filwaqt li tiffaċilita l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi sħab;

69.

Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tiżgura li s-suġġett tad-deforestazzjoni jkun parti mid-djalogi politiċi fil-livell tal-pajjiżi u reġjonali mal-pajjiżi sħab u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa ftehimiet ta' sħubija li jkunu jinkludu l-protezzjoni tal-foresti u tal-ekosistemi, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, inklużi n-nisa, kif ukoll l-appoġġ għall-parteċipazzjoni effettiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili u tal-ambjentalisti; jisħaq li tali djalogi għandhom isiru mal-pajjiżi produtturi kollha, anki mal-pajjiżi żviluppati;

70.

Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li tappoġġja lill-pajjiżi sħab fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' oqfsa li jistgħu jinkoraġġixxu protezzjoni u ġestjoni tal-foresti u governanza tal-art aħjar, inkluż, fejn rilevanti, ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-pussess tal-art tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, kif ukoll miżuri ta' governanza relatati, bħall-mitigazzjoni u l-istrateġiji ta' adattament, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinkludi dan l-aspett fir-riflessjonijiet u l-azzjonijiet tagħha; jirrimarka li oqfsa bħal dawn għandhom jikkontribwixxu mhux biss għal ħtiġijiet domestiċi iżda wkoll għal kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) tal-pajjiżi sħab skont il-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll l-Istrateġiji tal-Bijodiversità Nazzjonali u l-Pjani ta' Azzjoni tagħhom (NBSAPs) skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

71.

Jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi sħab biex jimplimentaw azzjonijiet li jgħinuhom jikkonformaw ma' kwalunkwe miżura li l-UE tista' tintroduċi biex tindirizza d-deforestazzjoni importata u jitlob li tiżdied il-kooperazzjoni u li jittieħdu miżuri meħtieġa u effettivi biex jiġi evitat li l-kummerċ ta' oġġetti relatati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jiġi ddevjat lejn reġjuni oħra tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ li l-UE tagħti lill-politiki agrikoli, infrastrutturali, tal-minjieri, urbani, periurbani u rurali fil-pajjiżi sħab ma jikkontribwix għad-deforestazzjoni u għad-degradazzjoni tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tappoġġja mekkaniżmu tekniku u finanzjarju tal-UE li jkun katalist għall-finanzjament li jappoġġja l-isforzi tas-sħab biex jużaw, jipproteġu u jirrestawraw il-foresti b'mod sostenibbli, itejbu l-produzzjoni agrikola sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni, u jindirizzaw attivitajiet tal-minjieri li jħallu impatti negattivi fuq il-foresti, fil-qafas tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li ġej;

72.

Jistieden lis-settur forestali jkollu rwol li jispikka fl-NDICI futur kif ukoll li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-Pjan ta' Investiment Estern u tal-Faċilitajiet Reġjonali ta' Finanzjament Imħallat, biex jiġu mmobilizzati l-finanzjamenti privati għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (li tvarja mill-proforestazzjoni għar-riforestazzjoni u l-afforestazzjoni), għat-turiżmu sostenibbli u għall-agroforestrija, kif ukoll għall-inizjattivi li l-kumpaniji jieħdu biex jeliminaw il-prodotti tad-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista tagħhom, bil-għan li jiksbu l-SDGs;

73.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jidentifikaw metodi effettivi biex jikkondividu ma' pajjiżi oħrajn prattiki u għarfien speċjalizzat innovattivi u sostenibbli tal-UE dwar l-ekonomija ċirkolari, il-bijoekonomija sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura intelliġenti u sostenibbli u oqsma rilevanti oħra;

74.

Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta b'mod regolari rapport li jkopri t-tendenzi tad-deforestazzjoni u l-isfruttament ta' żoni b'ħażna għolja ta' karbonju, bħat-torbiera, fil-pajjiżi terzi;

75.

Jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' appoġġ maħsuba biex iżidu l-produttività agrikola f'pajjiżi fil-mira sabiex titnaqqas il-pressjoni soċjali u ekonomika marbuta mad-deforestazzjoni u mal-isfruttament tat-torbiera;

76.

Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi, f'isem l-UE fil-fora internazzjonali importanti, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' impenji u regolamenti rigorużi maħsuba biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u biex jappoġġjaw ir-restawr tal-foresti; iqis li l-UE jeħtiġilha tmexxi bl-eżempju; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati l-kompetenzi u l-prattiki nazzjonali, reġjonali u lokali meta jiġu applikati miżuri protettivi tal-foresti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tiddikjara l-2021-2030 bħala d-Deċennju dwar ir-Restawr tal-Ekosistemi; jenfasizza li dan id-Deċennju tan-NU jqiegħed ir-restawr tal-ekosistemi bħala soluzzjoni kbira bbażata fuq in-natura sabiex jinksbu firxa wiesgħa ta' SDGs;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-konservazzjoni tal-foresti permezz tal-ħolqien, il-konsolidazzjoni u l-ġestjoni effettiva ta' networks ta' żoni protetti, inklużi ż-żoni forestali, bħan-NaturAfrica 2030, speċjalment f'pajjiżi li huma produtturi ewlenin tal-injam; jirrikonoxxi li dan jikkontribwixxi wkoll għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u se jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li jmiss;

78.

Jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali dwar politiki u miżuri għall-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tad-dinja biex tipprevjeni d-deforestazzjoni globali fil-fora internazzjonali ewlenin; jinnota li d-definizzjoni eżistenti ta' foresta u l-kategorizzazzjoni tal-foresti, kif ukoll kunċetti u prinċipji rilevanti oħra relatati mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti użati minn istituzzjonijiet rilevanti bħall-FAO, huma strettament tekniċi u ma jirriflettux b'mod sħiħ id-diversità tal-ekosistemi tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw ma' dawn il-fora internazzjonali ewlenin bil-għan, fost l-oħrajn, li jarmonizzaw it-terminoloġija, il-kunċetti u l-istatistika li jintużaw (eż. foresti intatti u primordjali, pjantaġġuni, ġestjoni sostenibbli tal-foresti, ġestjoni qrib in-natura jew ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni) u li jiżguraw il-koerenza tal-politiki u l-miżuri adottati;

79.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali dwar il-foresti li tikkontribwixxi għall-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti u li tipprovdi għall-funzjonijiet u l-użi multipli u komplementari tagħhom, inkluża azzjoni favur ir-riforestazzjoni, l-afforestazzjoni u l-konservazzjoni tal-foresti; jenfasizza li konvenzjoni bħal din għandha tqis il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi, ekoloġiċi, kulturali u spiritwali tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u tirrikonoxxi r-rwol vitali tat-tipi kollha ta' foresti fiż-żamma ta' proċessi ekoloġiċi u l-bilanċ ekoloġiku u l-appoġġ tal-identità, il-kultura u d-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet tagħhom u ta' komunitajiet oħra u ta' dawk li jgħixu fil-foresti;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw, b'mod sistematiku, id-dispożizzjonijiet dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, kif ukoll id-degradazzjoni ta' ekosistemi naturali oħrajn, it-telf tal-bijodiversità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fil-politiki tal-iżvilupp u fil-programmi kollha ta' investiment u ta' appoġġ immirati lejn il-pajjiżi produtturi, u jikkunsidraw li jorbtu l-investimenti u l-appoġġ mar-rispett ta' dawn l-elementi;

81.

Jirrikonoxxi r-rilevanza tal-oqfsa internazzjonali, bħall-VGGT biex joffru ċarezza tad-dritt u standards aċċettati f'livell internazzjonali f'dawk li huma prattiki tajba għall-governanza responsabbli tal-pussess tal-art; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja t-tixrid u l-użu tal-VGGT fuq livell globali, reġjonali u nazzjonali; jisħaq fuq il-bżonn ta' sistema effettiva u indipendenti ta' monitoraġġ u infurzar, inklużi mekkaniżmi adegwati ta' soluzzjoni tat-tilwim u għat-tressiq ta' lmenti, bil-għan li tkun żgurata l-konformità mal-VGGT;

82.

Jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) sabiex tiġi indirizzata l-problema dejjem akbar tad-deforestazzjoni u tad-deżertifikazzjoni fl-Istati AKP, permezz tal-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tal-foresti, filwaqt li jitqiesu l-kawżi tad-deforestazzjoni li ġejjin kemm mis-settur forestali kif ukoll minn barra minnu u tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-injam tropikali għall-ekonomiji tal-Istati AKP li għandhom foresti li jipproduċu l-injam;

83.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw konsistenza fost il-politiki, bi qbil mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

84.

Jirrikonoxxi u jappoġġja l-konklużjonijiet tal-FAO li l-użu sostenibbli globali tal-art huwa importanti fil-ġlieda kontra l-faqar;

85.

Jirrimarka li l-foresti jagħtu kontribut sinifikanti lis-sigurtà alimentari globali, lill-għajxien u lin-nutrizzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jikkostitwixxu għajn importanti ta' introjtu għall-komunitajiet lokali; ifakkar li l-progress lejn l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà alimentari u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandhom isiru simultanjament l-elementi ċentrali tal-Aġenda 2030;

86.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' April 2018, Il-Kummissjoni Ewropea v Ir-Repubblika tal-Polonja, C-441/17, EU:C:2018:255.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0015.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

(5)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 50.

(6)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 2.

(7)  Mira 15.2: Sal-2020, tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu rrestawrati l-foresti ddegradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni b'mod globali.

(8)  Mira 5: Sal-2020, ir-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inkluż il-foresti, għandha mill-inqas titnaqqas bin-nofs u fejn fattibli tinġieb fix-xejn, filwaqt li d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

(9)  https://www.globalwitness.org/en/campaigns/forests/why-eu-action-tackle-deforestation-should-not-let-finance-hook/

(10)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(11)  Donato, D. et al., “Mangroves among the most carbon-rich forests in the tropics” (Il-mangrovji fost l-aktar foresti rikki fil-karbonju fit-tropiċi), Nature Geoscience, April 2011.

(12)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(14)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta' materja prima b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta' produzzjoni f'art b'ħażna kbira ta' karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b'riskju baxx ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).

(15)  Doyle, A. & Roche, A., “Nineteen nations say they'll use more bioenergy to slow climate change” (Dsatax-il nazzjoni jgħidu li se jużaw aktar bijoenerġija biex irażżnu t-tibdil fil-klima), Reuters,16 ta' Novembru 2017, http://www.reuters.com/article/us-climatechange-accord-biofuels/nineteen-nations-say-theyll-use-more-bioenergy-to-slow-climate-change-idUSKBN1DG2DO

(16)  http://www.fao.org/food-loss-and-food-waste/en/

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/24


P9_TA(2020)0213

Kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika (2020/2002(INI))

(2021/C 385/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 41, 42, 43, 44, 45 u 46 tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta' Frar 2020 tal-OECD u l-Klabb tas-Saħel u l-Afrika tal-Punent intitolat “The Geography of Conflict in North and West Africa” (Il-Ġeografija tal-Kunflitti fl-Afrika ta' Fuq u fl-Afrika tal-Punent),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma intitolat “Trends in World Military Expenditure, 2019” (Xejriet fin-Nefqa Militari tad-Dinja, 2019), ippubblikat f'April 2020,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-9 ta' Marzu 2020 intitolata “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” (JOIN(2020)0004),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew mal-Istati Membri tal-Grupp tal-ħames pajjiżi tas-Saħel (G5 tas-Saħel) tat-28 ta' April 2020,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/253 tal-25 ta' Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/906 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-kapijiet tal-Istati Membri tal-G5 tas-Saħel u tal-President tar-Repubblika Franċiża fis-summit tat-13 ta' Jannar 2020 li sar f'Pau, ġewwa Franza (id-Dikjarazzjoni ta' Pau),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015-2020, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Golf tal-Guinea 2015-2020 u tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika/il-Baħar l-Aħmar,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325/1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar is-Somalja (4),

wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-Iżvilupp u s-Sigurtà tal-Pajjiżi tal-G5 tas-Saħel ta' Settembru 2016, il-Qafas għal Azzjonijiet ta' Prijorità Integrati ta' Frar 2020, l-Alleanza tas-Saħel u s-Sħubija għall-Istabbiltà u s-Sigurtà fis-Saħel,

wara li kkunsidra l-“Kunċett tal-UE għall-appoġġ mill-PESD għar-Riforma fis-Settur tas-Sigurtà (SSR)” tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2005, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 intitolata “Kunċett ta' Appoġġ tal-Komunità Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà” (COM(2006)0253), il-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-5 ta' Lulju 2016 intitolata “Elementi għal qafas strateġiku madwar l-UE għall-appoġġ ta' riforma fis-settur tas-sigurtà” (JOIN(2016)0031) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “qafas strateġiku għall-UE kollha biex tiġi appoġġata r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR)” tal-14 ta' Novembru 2016,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDG 16, immirat lejn il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (ir-“Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt”) (5),

wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika tal-14 ta' Novembru 2011, u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika 2015-2020 tas-26 ta' Ottubru 2015,

wara li kkunsidra l-appell tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal waqfien mill-ġlied globali wara t-tifqigħa tal-coronavirus (COVID-19),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar il-Golf tal-Guinea tas-17 ta' Marzu 2014,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel tal-21 ta' Marzu 2011 li ġiet ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni, fuq talba tal-Kunsill,

wara li kkunsidra l-Laqgħat Konsultattivi Konġunti Annwali tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ is-sostenn PSDK tal-UE favur l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU tal-14 ta' Ġunju 2012 u dwar it-tisħiħ tas-Sħubija Strateġika bejn in-NU u l-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet: il-prijoritajiet 2015-2018 tas-27 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) adottata waqt it-tieni Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Lisbona bejn it-8 u d-9 ta' Diċembru 2007, u l-Pjan Direzzjonali tal-JAES għall-perjodu 2014-2017 adottat waqt ir-raba' Summit bejn l-UE u l-Afrika li sar fi Brussell bejn it-2 u t-3 ta' April 2014,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta' Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'pajjiżi milquta minn kunflitti” tal-25 ta' Mejju 2011,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (6),

wara li kkunsidra l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) tal-10 ta' Diċembru 2018 u l-Pjan ta' Azzjoni 2019-2024 tiegħu tal-5 ta' Lulju 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar ir-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'każ ta' kriżijiet ikkawżati mill-klima u ta' diżastri naturali (7),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2011 u tal-2012 intitolati “Livelihood Security: Climate Change, Migration and Conflict in the Sahel” (Sigurtà tal-Għajxien: Tibdil fil-klima, Migrazzjoni u Kunflitti fis-Saħel),

wara li kkunsidra l-Kunċett tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u ta' Djalogu tal-UE tal-10 ta' Novembru 2009,

wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2019 dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (9) u l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (10),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (COM(2016)0447),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 intitolata “L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà” (COM(2015)0185),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0129/2020),

A.

billi l-iżvilupp u l-paċi sostenibbli se jinkisbu biss billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar u l-ġuħ; billi s-sigurtà hija prekundizzjoni għall-iżvilupp; billi s-sigurtà tal-bniedem hija prekundizzjoni għal paċi u stabbiltà dejjiema; billi rabta qawwija bejn is-sigurtà, l-iżvilupp u l-intervent umanitarju hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika; billi mingħajr l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar, mhux se jkun hemm paċi sostenibbli; billi s-sigurtà fir-reġjun Saħelo-Saħarjan u f'dak tal-Qarn tal-Afrika progressivament marret għall-agħar filwaqt li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tirreaġixxi b'mod adegwat għal din il-kriżi, b'mod partikolari minħabba l-limitazzjonijiet fil-mandat u fl-operabbiltà;

B.

billi l-ambjent strateġiku tan-Nofsinhar tal-UE mhuwiex stabbli; billi qed jiffaċċja firxa ta' sfidi, b'mod partikolari kunflitti armati fil-fruntieri tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew u t-terroriżmu ġiħadista; billi l-instabbiltà f'dan ir-reġjun għandha effett dirett fuq is-sigurtà tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha, u fuq l-istabbiltà fil-fruntieri esterni Ewropej;

C.

billi s-sigurtà u l-istabbiltà tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika jridu jkunu għan strateġiku tal-kooperazzjoni tal-UE mal-gvernijiet fil-viċinat tan-Nofsinhar;

D.

billi l-mandati tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) huma komprensivi u għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jrawmu r-riforma tas-settur tas-sigurtà, javvanzaw ir-riforma tal-ġustizzja u jsaħħu t-taħriġ militari u tal-pulizija, kif ukoll li jmexxu 'l quddiem is-sorveljanza;

E.

billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha għas-sigurtà u l-iżvilupp tar-reġjun tas-Saħel bħala sieħeb ewlieni permezz ta' approċċ integrat iffukat fuq id-djalogu politiku u diplomatiku, u l-iżvilupp u l-appoġġ umanitarju;

F.

billi l-inizjattiva tat-“Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp” (CBSD) wasslet għal reviżjoni tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP+) fl-2017, li rriżultat fil-finanzjament għal inizjattivi ta' taħriġ u l-forniment ta' tagħmir mhux letali lill-forzi armati fil-pajjiżi mhux tal-UE;

G.

billi l-Istati Membri huma mitluba li jipprovdu l-persunal meħtieġ għall-missjonijiet, iżda n-nuqqasijiet, aggravati mill-pandemija kkawżata mit-tixrid tal-COVID-19, ifissru li l-għadd ta' persunal tal-UE f'dawn il-missjonijiet qed jitnaqqas minħabba raġunijiet ta' saħħa;

H.

billi mill-Oċean Atlantiku fil-Punent sal-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan fil-Lvant, bosta pajjiżi Afrikani qed jissieltu biex jiffaċċjaw sfidi, bħal pereżempju d-destabbilizzazzjoni tal-ekonomija agropastorali tradizzjonali bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, l-isfruttament tar-riżorsi naturali minn atturi esterni, l-insigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, in-nuqqas ta' aċċess għal servizzi soċjali bażiċi, mudelli agrikoli mhux xierqa, tkabbir tal-popolazzjoni u l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u ambjentali bħad-deforestazzjoni; billi sfida ewlenija oħra hija l-emerġenza ta' forom ġodda ta' ekonomija tal-mafja, li jinkludu t-traffikar tal-bnedmin, tal-migranti u tad-drogi, il-kuntrabandu ta' oġġetti kulturali u annimali selvaġġi, u l-esportazzjoni bla rażan ta' depożiti tad-deheb u minerali, li, flimkien ma' dgħufija istituzzjonali u nuqqas ta' trasparenza, governanza dgħajfa, żieda fl-inugwaljanzi, nuqqas ta' fiduċja fil-gvernijiet u korruzzjoni ta' bosta amministrazzjonijiet, qed tipproduċi ibridizzazzjoni bejn gruppi armati, traffikanti u kunflitti komunitarji u reġjonali tradizzjonali, u dan qed jirriżulta fil-fenomenu inaċċettabbli tal-estremiżmu reliġjuż ġiħadista bħala reazzjoni falza għas-soċjetajiet ikkonċernati u ż-żieda fir-radikalizzazzjoni;

I.

billi n-natura ta' sfidi għas-sigurtà, kunflitti vjolenti u vjolenza politika tvarja bejn reġjuni, pajjiżi u provinċji Afrikani differenti; billi fir-reġjun tas-Saħel jew tal-Qarn tal-Afrika, gruppi Iżlamisti armati u t-terroriżmu, iżda anke, sa grad inqas, forzi tas-sigurtà, diversi gruppi kriminali u milizzji jikkawżaw għadd kbir ta' vittmi, speċjalment, fost il-popolazzjoni ċivili; billi s-sitwazzjoni hija ferm differenti fil-biċċa l-kbira tad-19-il pajjiż tal-Afrika tal-Punent, fejn xi pajjiżi jesperjenzaw stabbiltà u sigurtà dejjiema, u oħrajn vjolenza politika jew kunflitt etniku;

J.

billi s-sena l-oħra, 3 471 avveniment vjolenti rrappurtati kienu marbuta ma' dawn il-gruppi; billi s-sena l-oħra, il-fatalitajiet irrappurtati li rriżultaw mill-attività ta' gruppi Iżlamisti militanti Afrikani żdiedu wkoll b'sebgħa fil-mija għal madwar 10 460 każ ta' mewt;

K.

billi l-attivitajiet terroristiċi huma fil-biċċa l-kbira kkonċentrati f'ħames żoni ewlenin, li jinkludu s-Somalja, il-Baċir tal-Lag Chad u s-Saħel – b'theddidiet iżgħar iżda persistenti fl-Afrika ta' Fuq u l-kosta tal-Punent tal-Oċean Indjan; billi fl-2019, iż-żona tas-Saħel kellha l-aktar żieda rapida fl-attività estremista vjolenti ta' kwalunkwe reġjun; billi kull żona għandha d-dinamika unika tagħha stess u tirrikjedi approċċ reġjonali uniku;

L.

billi l-mexxejja tal-UE u tal-G5 tas-Saħel esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar iż-żieda fit-terroriżmu u d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel; billi t-terroriżmu qed ipoġġi pressjoni akbar fuq il-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u l-viċinat tagħhom; billi t-terroriżmu qed jaggrava t-tensjonijiet politiċi, etniċi u reliġjużi lokali, u huwa xprunat minn gruppi kriminali u fundamentalisti, problemi soċjoekonomiċi, governanza dgħajfa, u, f'xi każijiet, mill-forzi tas-sigurtà u tad-difiża;

M.

billi l-attakki terroristiċi fuq il-popolazzjonijiet ċivili, l-istituzzjonijiet statali, ir-rappreżentanti statali, il-forzi tas-sigurtà u tad-difiża kif ukoll l-infrastruttura jdgħajfu l-koeżjoni soċjali, u billi l-gruppi terroristiċi jużaw ukoll kunflitti lokali eżistenti għal dan il-għan;

N.

billi dawn l-isfidi kollha affettwaw b'mod profond l-istabbiltà u l-paċi tal-komunitajiet lokali u l-ordni tradizzjonali abbażi tal-kompromessi u tal-awtorità morali tal-anzjani u tal-mexxejja tradizzjonali, li qed tiġi sostitwita mid-dominanza ta' gruppi armati ta' kuntrabandisti u terroristi;

O.

billi huwa essenzjali li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' sigurtà meħtieġa biex jerġgħu jiġu stabbiliti strutturi statali bażiċi, speċjalment fir-reġjuni l-aktar remoti fejn iċ-ċittadini jistgħu jħossuhom l-aktar abbandunati;

P.

billi l-attakki terroristiċi u kriminali għandhom tendenza li jkollhom fil-mira l-popolazzjonijiet ċivili, ir-rappreżentanti statali, il-forzi tad-difiża u tas-sigurtà kif ukoll l-infrastruttura soċjoekonomika, u b'hekk idgħajfu l-koeżjoni soċjali u komunitarja u l-integrazzjoni;

Q.

billi s-Saħel huwa wieħed mir-reġjuni l-aktar affettwati mill-proliferazzjoni ta' armi żgħar illeċiti, u billi dawn l-armi mingħajr dokumenti, u fil-biċċa l-kbira miżmuma illegalment, mhux biss jheddu s-sikurezza u s-sigurtà tal-komunitajiet iżda huma wkoll użati minn networks kriminali transnazzjonali perikolużi involuti f'diversi forom ta' traffikar, inkluż ta' armi, bnedmin u drogi illeċiti;

R.

billi skont data ġdida mill-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma, SIPRI:

(a)

fl-2019, in-nefqa militari kkombinata tal-istati fl-Afrika kibret b'1,5 % għal madwar USD 41,2 biljun, l-ewwel żieda fl-infiq tar-reġjun għal ħames snin;

(b)

l-Afrika importat 49 % tat-tagħmir militari tagħha mir-Russja, 14 % mill-Istati Uniti u 13 % miċ-Ċina; billi ċ-Ċina esportat 20 % tal-bejgħ dinji tagħha tal-armi lejn l-Afrika;

S.

billi l-influwenza militari tar-Russja madwar l-Afrika tikkonsisti fil-bejgħ ta' armi, l-użu ta' merċenarji u konsulenti politiċi, ftehimiet ta' sigurtà u programmi ta' taħriġ għal pajjiżi instabbli;

T.

billi kull sena, deheb li jiswa biljuni ta' dollari qed jiġi esportat klandestinament minn pajjiżi tal-Punent tal-Afrika, jgħaddi mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE) u jasal fil-Lvant Nofsani; billi skont in-Nazzjonijiet Uniti, il-Grupp estremista Somalu Al Shabaab jiġġenera miljuni ta' dollari fi dħul minn esportazzjonijiet ta' faħam lejn l-Iran u mbagħad lejn l-Emirati Għarab Magħquda, bi ksur ta' sanzjonijiet tan-NU;

U.

billi l-faqar, in-nuqqas ta' edukazzjoni, il-qgħad, il-kunflitti, il-kriżijiet u n-nuqqas ta' sigurtà flimkien ma' fatturi oħra bħal stati falluti, governanza ħażina u korruzzjoni jaffettwaw b'mod partikolari liż-żgħażagħ u l-opportunitajiet li jingħatawlhom, li jwasslu biex ħafna jaħarbu u jħallu djarhom u l-familji tagħhom għal reġjuni aktar sikuri jew għal kontinenti oħra, u b'hekk jissugraw ħajjithom;

V.

billi l-isfidi msemmija hawn fuq se jiggravaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti li sejrin għall-agħar tat-tibdil fil-klima; billi l-Kummissjoni ħabbret EUR 194 miljun addizzjonali biex tappoġġa s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza fis-Saħel;

W.

billi t-theddida minn gruppi Iżlamisti militanti fl-Afrika mhix uniformi fin-natura tagħha, iżda tinkludi attività minn taħlita li dejjem tinbidel ta' madwar żewġ tużżani gruppi li joperaw b'mod attiv f'14-il pajjiż;

X.

billi l-Unjoni Ewropea wettqet tliet missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK biex jingħataw taħriġ u konsulenza lill-Forzi Armati tas-Somalja (missjoni ta' taħriġ tal-UE (EUTM) Somalia – 2010), tal-Mali (EUTM Mali – 2013) u tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM CAR – 2016), operazzjoni militari navali waħda (operazzjoni tal-qawwa navali tal-UE (NAVFOR) ATALANTA – 2009), u tliet missjonijiet ċivili biex jingħataw taħriġ u konsulenza lill-forzi tas-sigurtà interna tal-Mali (missjoni tal-UE ta' bini tal-kapaċità (EUCAP) Sahel Mali – 2012), tan-Niġer (EUCAP Sahel Niger – 2014) u tas-Somalja (EUCAP Somalia – 2014), il-proġett GAR-SI Saħel, u stabbiliet u dalwaqt se tvara missjoni konsultattiva (EUAM) fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

Y.

billi għadd ta' stakkamenti militari ta' pajjiżi individwali, bħal Franza u l-Istati Uniti tal-Amerka, jipprovdu assistenza ta' sigurtà lis-sħab lokali, li jwettqu ġlied kontra t-terroriżmu u operazzjonijiet oħra; billi, b'mod parallel ma' soluzzjonijiet politiċi, sforzi ta' bini statali u inizjattivi ta' żvilupp huma kruċjali biex jingħelbu l-gruppi terroristiċi u biex jingħata kontribut għall-bini ta' stabbiltà reġjonali;

Z.

billi hemm bżonn ta' pressjoni sostenibbli fuq it-terroristi biex titwaqqaf il-proliferazzjoni ta' din it-theddida f'reġjuni u kontinenti oħra, inkluż fl-Ewropa;

AA.

billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, l-istituzzjonijiet tas-sigurtà Afrikani skjeraw għexieren ta' eluf ta' persunal fl-operazzjonijiet ta' paċi fl-Afrika, u wrew rieda ġenwina li jikkontribwixxu għall-governanza tas-sigurtà fil-kontinent tagħhom stess;

AB.

billi l-UE qed tappoġġa wkoll l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, strument ewlieni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu li huwa essenzjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-attività ġiħadista u t-theddid għas-sigurtà, u għat-titjib tas-sigurtà reġjonali;

AC.

billi l-operazzjonalizzazzjoni kontinwa ta' atturi ewlenin tas-sigurtà reġjonali bħalma huma l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), il-Forza ta' Intervent fil-Pront tal-Afrika tal-Lvant (EASF) u l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront tal-Unjoni Afrikana tikkoinċidi mal-interess tal-UE li tassisti pajjiżi f'diffikultà biex jipprovdu paċi u prosperità liċ-ċittadini tagħhom;

AD.

billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat bejn il-pajjiżi tar-reġjun tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika huma indispensabbli sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-istabbiltà f'dawn ir-reġjuni;

AE.

billi l-Unjoni Afrikana tibqa' sieħeb ewlieni għall-isforzi tal-UE għall-paċi u l-istabbiltà;

AF.

billi fis-summit annwali tagħha fi Frar 2020, l-Unjoni Afrikana ħabbret pjanijiet li tibgħat 3 000 suldat fis-Saħel biex tappoġġa lill-G5 tas-Saħel fil-ġlieda kontra l-gruppi armati;

AG.

billi sa mill-2017 l-UE segwiet proċess ta' reġjonalizzazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK tagħha, li, flimkien mal-progress fil-kooperazzjoni mal-G5 tas-Saħel, għandu l-għan li jidentifika aħjar u jneħħi d-diskrepanzi fil-kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjuni;

AH.

billi wara snin ta' taħriġ speċifiku, il-missjonijiet tal-UE msemmija hawn fuq kif ukoll dawk tan-NU ġew imfixkla fis-sostenibbiltà u l-effettività tagħhom minħabba restrizzjonijiet fuq il-mandat tagħhom, il-programmi ta' taħriġ, il-pjanijiet ta' sostenibbiltà u s-sjieda lokali, u l-fatt li ma jistgħux jipprovdu t-tagħmir meħtieġ lill-unità li jħarrġu u lill-forzi tad-difiża lokali, inklużi armi, munizzjon u vetturi; billi l-mandati u l-iskop tal-missjonijiet tal-UE jeħtieġ li jsirilhom rieżami sabiex titfassal analiżi ta' “tagħlimiet miksuba” li għandha tintuża biex jiġu adattati l-missjonijiet attwali u futuri;

AI.

billi kwalunkwe taħriġ, finanzjament, jew tagħmir tal-forzi tas-sigurtà f'pajjiżi terzi għandu jirrispetta l-valuri fundamentali Ewropej u jgħin biex jinbena settur tas-sigurtà affidabbli li l-ewwel u qabel kollox għandu l-għan li jipprovdi benefiċċji tas-sigurtà għall-popolazzjoni lokali kollha filwaqt li jirrispetta l-istat tad-dritt u, b'mod partikolari, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

AJ.

billi dawn ir-restrizzjonijiet u n-nuqqas ta' preżenza koeżiva u strateġika tal-Unjoni Ewropea jaffettwaw il-kredibbiltà tal-azzjoni esterna tal-UE, filwaqt li atturi globali oħra qed iżidu l-azzjonijiet tagħhom billi jibagħtu merċenarji u jibnu l-faċilitajiet militari tagħhom stess filwaqt li żiedu l-provvista tagħhom ta' armi u munizzjon lil pajjiżi tar-reġjun mingħajr stipulazzjoni ta' governanza u jagħmlu dan, fil-fatt, biex jagħtu spinta lil interessi strettament bilaterali;

AK.

billi fl-2017, il-Partit Komunista taċ-Ċina formalment adotta l-Inizjattiva “Belt and Road” (BRI) fil-Kungress tal-Partit Nazzjonali, b'investiment imħabbar ta' madwar USD 8 triljun għal network vast ta' infrastruttura tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni li jgħaqqad l-Ewropa, l-Afrika u l-Asja; billi ċ-Ċina hija parti kkonċernata ewlenija fl-ekonomija tal-Afrika b'influwenza sinifikanti fuq bosta aspetti tal-affarijiet tal-kontinent;

AL.

billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, l-Emirati Għarab Magħquda gradwalment żiedu l-preżenza tagħhom fil-Qarn tal-Afrika, billi użaw proġetti umanitarji u ta' żvilupp biex jagħtu spinta lill-prominenza ġeostrateġika tagħhom, b'mod partikolari fil-Golf ta' Aden; billi s-Somalja ħeġġet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jieħu azzjoni kontra l-bini ta' bażi militari tal-Emirati Għarab Magħquda f'Somaliland;

AM.

billi t-Turkija ilha s-snin tibni fiduċja fil-Qarn tal-Afrika peress li qed tipprova żżid l-influwenza tagħha, speċjalment fir-Reġjun tal-Baħar l-Aħmar; billi l-kumpaniji Torok għadhom jamministraw il-port marittimu u l-ajruport ta' Mogadishu, u saħansitra jipprovdu taħriġ militari għas-suldati tal-gvern Somalu;

AN.

billi l-Flotta Navali tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Ċiniż (PLAN) stabbiliet l-ewwel bażi militari barranija tagħha f'Djibouti, u 70 % tal-prodott domestiku gross ta' Djibouti huwa midjun liċ-Ċina; billi d-dejn tal-Inizjattiva “Belt and Road” jaqbad lill-pajjiżi vulnerabbli u fil-fażi tal-iżvilupp f'“nases ta' dejn”, filwaqt li jnaqqas ir-riżervi tal-gvern u jgħabbi lill-ġenerazzjonijiet ta' kontribwenti b'dejn enormi;

AO.

billi la l-armata Somala, la l-armata Burkinjana, la l-armata tal-Mali u lanqas dik tal-Afrika Ċentrali ma sabu risponsi effettivi u qed isibuha diffiċli li jiġġieldu kontra l-ġiħadisti u l-gruppi armati jew li jiddefendu u jiżguraw żoni bl-għajnuna ta' forzi internazzjonali ta' ħbiberija, u dan iwassal għall-fatt li l-popolazzjonijiet lokali jħossuhom abbandunati u jibżgħu li, ladarba jirritornaw u jerġgħu jokkupaw l-ispazju li kienu tkeċċew minnu, il-ġiħadisti jew il-gruppi armati jakkużawhom li kkollaboraw mal-gvern;

AP.

billi bħala riżultat ta' sforzi ta' sigurtà marittima internazzjonali kemm mill-UE kif ukoll min-NATO, li jservu ta' preċedent għall-kooperazzjoni fis-sigurtà Ewropea, Afrikana u transatlantika, kien hemm tnaqqis deċiżiv fil-piraterija 'l barra mill-kosti tal-Afrika tal-Lvant u tal-Punent;

AQ.

billi wara snin ta' involviment fil-missjonijiet ċivili u militari msemmija hawn fuq ma kienx hemm titjib sostanzjali fis-sitwazzjoni ġenerali u issa tidher tendenza li din sejra għall-agħar minkejja l-isforzi li qed isiru; billi, bħala riżultat ta' dan, għad hemm għadd ta' sfidi qodma u ġodda u għalhekk jeħtieġ li tiġi implimentata strateġija komprensiva, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni fejn il-vulnerabbiltajiet u t-tensjonijiet huma l-ogħla, biex jinkiseb l-għan aħħari ta' stabbiltà reġjonali u ta' trasferiment tar-responsabbiltà għas-sigurtà f'idejn l-Afrikani; billi din l-istrateġija se tissodisfa bżonn urġenti u l-aspettattivi għolja taż-żewġ atturi fuq il-post u n-nies lokali, u għandha tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi;

AR.

billi l-kwistjoni tal-finanzjament tal-PSDK hija kruċjali għat-tkomplija tal-politika, u billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA) u, fil-futur, permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), jipprovdi appoġġ lill-Unjoni Afrikana, u jiffinanzja, fost affarijiet oħra, l-ispiża operattiva tal-operazzjonijiet militari ta' żamma tal-paċi fl-Afrika, b'mod partikolari ta' AMISOM fis-Somalja; billi l-EPF se tissostitwixxi l-mekkaniżmu Athena għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK, u l-FPA se tagħti lill-UE għodda ġdida biex tistazzjona operazzjonijiet militari b'mod aktar flessibbli u ttejjeb b'mod sinifikanti l-għażliet għall-assistenza ta' sigurtà lis-sħab; billi l-impatt aħħari tal-EPF bħala strument li jindirizza b'mod sostenibbli l-kunflitti vjolenti u l-insigurtà se jiddependi minn kemm huwa kkomplementat mis-salvagwardji u mis-sistemi ta' monitoraġġ meħtieġa biex jiġi evitat l-użu ħażin potenzjali tal-għajnuna pprovduta, u biex jiġi żgurat li jitqiesu kif xieraq il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà, tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett tad-dritt umanitarju; billi l-EPF futura li għandha tissostitwixxi l-FPA fl-2021 għandha testendi l-ambitu tagħha għall-istati sħab u tippermetti l-forniment ta' tagħmir militari;

AS.

billi huwa essenzjali li l-UE tappoġġa s-sħab tagħha fir-reġjun Saħelo-Saħarjan u f'dak tal-Qarn tal-Afrika li qed jiffaċċjaw aktar sfidi fil-ġlieda tagħhom kontra gruppi terroristiċi armati, inklużi ġiħadisti; billi l-Unjoni Ewropea tista' tirrispondi b'mod xieraq billi tipprovdi l-assistenza meħtieġa, inklużi l-armi u l-munizzjon, lill-pajjiżi fir-reġjun ikkonċernat permezz tal-EPF; billi l-EPF għandha tiġi approvata mingħajr dewmien sabiex tippermetti l-assistenza militari meħtieġa;

AT.

billi t-temperaturi qed jiżdiedu b'rata ta' 1,5 darbiet aktar malajr fir-reġjun tas-Saħel milli fil-bqija tad-dinja, u billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, madwar 80 % tal-art agrikola fir-reġjun hija ddegradata, u hemm madwar 50 miljun ruħ li jiddependu mit-trobbija tal-bhejjem f'kunflitt fuq l-art; billi, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), din is-sitwazzjoni qed twassal għall-insigurtà tal-ikel tal-popolazzjoni u din qed titħabat biex tkampa u tiffaċċja għażliet diffiċli;

AU.

billi l-effetti tat-tibdil fil-klima huma fattur ta' riskju għad-destabbilizzazzjoni, il-vjolenza u l-kunflitt;

AV.

billi, skont il-UNICEF, iż-żieda f'attakki vjolenti fuq skejjel pubbliċi, fi qtil, ħtif, swat u theddid ta' mewt kontra għalliema u studenti wasslet biex jingħalqu aktar minn 9 000 skola fl-Afrika Ċentrali u tal-Punent, u dan ħalla kważi żewġ miljun tifel u tifla mingħajr edukazzjoni xierqa;

AW.

billi l-UE għadha serjament imħassba dwar l-għadd akbar ta' tfal li jiġu reklutati bħala suldati tfal minn gruppi estremisti;

AX.

billi l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) enfasizza xejriet ġodda inkwetanti rigward it-traffikar ta' drogi fir-reġjun, b'effetti ta' ħsara fuq il-governanza, is-sigurtà, it-tkabbir ekonomiku u s-saħħa pubblika; billi, skont l-Uffiċċju, l-Afrika tal-Punent, Ċentrali u ta' Fuq jammontaw għal 87 % tal-opjojdi farmaċewtiċi kollha sekwestrati madwar id-dinja, u billi l-UNODC jirrikonoxxi rabta mill-qrib bejn it-traffikar tad-droga u l-finanzjament ta' gruppi armati;

AY.

billi l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi integrata perspettiva tal-ġeneru fl-oqsma u l-attivitajiet kollha fil-qasam tal-paċi u s-sigurtà sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-politiki tal-UE;

AZ.

billi l-attakki minn gruppi estremisti u l-vjolenza interkomunali li qed tiżdied fuq ir-riżorsi qed jaffettwaw l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, b'għadd kbir ta' bniet l-aktar esposti għal tipi differenti ta' abbuż, kemm fiżiku kif ukoll sesswali;

BA.

billi l-Unjoni Ewropea għandha żżid b'mod strateġiku l-preżenza ekonomika tagħha ħafna aktar minħabba l-preżenza dejjem akbar ta' potenzi barranin oħra;

BB.

billi l-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir ippropona r-riallokazzjoni, l-aċċelerazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta' EUR 3,25 biljun minn programmi eżistenti biex jirrispondu għal ħtiġijiet relatati mal-coronavirus fl-Afrika, inklużi EUR 2,06 biljun għall-Afrika sub-Saħarjana;

BC.

billi l-UE għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-parlamenti nazzjonali, inklużi l-kumitati tas-sigurtà u d-difiża, biex ittejjeb il-funzjonijiet kritiċi ta' sorveljanza fuq l-interventi tas-sigurtà nazzjonali u esterni;

L-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

1.

Iqis li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jeħtiġilhom jikkoordinaw l-istrateġiji ta' żvilupp, umanitarji u ta' sigurtà li fihom huma involuti bħala parti minn strateġija integrata li twassal għal sjieda indipendenti Afrikana fi kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; iqis li l-Unjoni Afrikana u l-Istati Afrikani mir-reġjun huma sħab ewlenin li magħhom l-UE hija involuta b'mod sinifikanti sabiex b'mod konġunt jinkisbu l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem; jappoġġa l-pjanijiet tal-Unjoni Afrikana li tibgħat 3 000 suldat b'appoġġ għall-G5 tas-Saħel; jemmen bis-sħiħ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom isaħħu l-kapaċità tas-sħab, iwettqu rieżami tas-sigurtà u l-impenji ta' difiża fir-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika, inkluż permezz tal-forniment ta' tagħmir militari filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara”;

2.

Ifakkar fil-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tiddependi b'mod partikolari mill-kapaċità tal-istati kkonċernati li jżommu istituzzjonijiet b'saħħithom u affidabbli, servizzi bażiċi stabbiliti sew, inklużi kapaċitajiet ta' sigurtà interna u sistema ġudizzjarja li fiha ċ-ċittadini jkollhom fiduċja, partikolarment rigward kwistjonijiet kriminali; iqis li strateġija ta' sigurtà għar-reġjuni tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika għandha l-ewwel u qabel kollox tkun li tindirizza l-kawżi ewlenin tal-kunflitti fir-reġjun, peress li l-qerda tal-faqar hija kruċjali għal paċi sostenibbli;

3.

Jappella għall-promozzjoni ta' relazzjoni mġedda bejn l-UE u l-kontinent Afrikan ibbażata fuq is-solidarjetà, ir-rispett reċiproku u l-benefiċċju reċiproku, filwaqt li żżomm dejjem mal-prinċipji tar-rispett għad-dritt internazzjonali, is-sovranità nazzjonali u l-ugwaljanza bejn il-partijiet;

4.

Iqis li l-missjonijiet, l-operazzjonijiet u l-azzjonijiet oħra tal-PESK tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu kkoordinati mill-VP/RGħ taħt l-awtorità tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 43(2) TUE, u li ċ-Ċellula Konġunta ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ għandha tipprovdi aktar pariri lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ, bi rwol ta' koordinazzjoni msaħħaħ u għandha tipproponi l-istabbiliment ta' ċentru tad-duttrina ċivili-militari li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija u l-missjonijiet u l-proġetti tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija;

5.

Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tinvesti kemm jista' jkun fi proċessi mmirati lejn il-prevenzjoni tal-kunflitti billi tagħti bidu għal diversi proċessi verament konkreti ta' medjazzjoni, djalogu u rikonċiljazzjoni u proġetti b'mod parallel ma' miżuri oħra ta' sigurtà; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu segwiti wkoll approċċi ffokati mhux statali bil-għan li jitrawmu l-istabbiltà u s-sigurtà, b'mod partikolari fir-rigward tat-tensjonijiet interkomunitarji; jemmen bis-sħiħ li l-għajnuna ta' sigurtà li tpoġġi s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tagħha biss se tkun effettiva fuq perjodu medju u twil ta' żmien;

6.

Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll l-ippjanar strateġiku globali u l-politika ta' komunikazzjoni tal-UE, sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE;

7.

Jilqa' l-impenn globali tal-UE għar-reġjun tas-Saħel, l-Afrika tal-Punent u l-Qarn tal-Afrika, u japprezza l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jiġu adattati r-regoli finanzjarji u amministrattivi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi sabiex tiżdied il-ħeffa u l-effikaċja tar-reazzjoni għall-kriżijiet;

8.

Itenni t-talba tiegħu għal White Paper dwar id-difiża Ewropea, li tfassal u tiddeskrivi xenarji speċifiċi ħafna għal interventi militari possibbli tal-UE u d-duttrini sottostanti tagħhom f'konformità mal-kompiti militari tal-Artikolu 43(1) TUE;

9.

Ifaħħar lill-persunal tal-missjonijiet tal-UE li, minkejja kundizzjonijiet diffiċli ħafna, kellhom prestazzjoni eċċezzjonali u wrew dedikazzjoni u professjonaliżmu;

10.

Jisħaq li fid-dawl tad-degradazzjoni gravi u profonda fil-kundizzjonijiet tas-sigurtà fir-reġjun, u sabiex titneħħa kwalunkwe diskrepanza fil-missjonijiet u l-proġetti tal-UE, il-bini tal-kapaċità tas-sħab fis-settur tas-sigurtà jrid jissaħħaħ sabiex iwieġeb b'mod aktar adegwat għall-isfidi profondi u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà serji fir-reġjun, inkluż billi jingħata appoġġ lil pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom;

11.

Jappoġġa l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-28 ta' April 2015 bit-titlu “It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp – L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet” (11);

12.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni u n-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa bil-għan li jiġi stabbilit regolament dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li jkun jinkludi l-kompiti kollha tal-Istrument attwali li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP);

13.

Jilqa' l-proposta mill-VP/RGħ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għall-istabbiliment, fl-ambitu tal-PESK tal-Unjoni, ta' EPF għall-finanzjament ta' kooperazzjoni militari u relatata mad-difiża ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż tagħmir li jaqa' taħt il-lista militari komuni tal-UE, li se jimla lakuna importanti fl-appoġġ tal-UE u flimkien mal-NDICI jagħti lill-UE l-kapaċità li tirreaġixxi aktar malajr u b'mod effettiv għall-isfidi tas-sigurtà u jappella għall-adozzjoni rapida tiegħu; ifakkar fil-fatt li l-EPF għandha l-għan li tinkorpora l-FPA u tistabbilixxi komponent ta' bini ta' kapaċità li jippermetti l-forniment ta' tagħmir militari lill-pajjiżi sħab, inklużi armi u munizzjon, b'rispett sħiħ għall-pożizzjoni komuni, id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u b'dispożizzjonijiet effettivi ta' trasparenza kif elenkati fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar l-istabbiliment tal-EPF biex jiġi żgurat li ebda tagħmir militari ma jingħata lil benefiċjarji li qed iwettqu abbużi, atroċitajiet u ħsara oħra kontra l-popolazzjonijiet ċivili; jinnota li l-Istati Membri ilhom minn Ġunju 2018 jaħdmu fuq deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-EPF, li għandha tinħoloq mhux aktar tard minn Jannar 2021; f'dan ir-rigward, u fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fl-Afrika, jistieden lill-Kunsill japprova din il-proposta li tadotta d-deċiżjoni meħtieġa mingħajr dewmien, li tistabbilixxi dan l-istrument ġdid biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet militari fil-forzi armati Afrikani, u:

a)

li l-baġit tal-EPF ikun kbir biżżejjed biex jindirizza b'mod effettiv l-isfidi attwali relatati mat-taħriġ, l-operazzjonijiet, il-missjonijiet, il-proġetti u t-tagħmir militari, inklużi l-armi, il-munizzjon u t-trasport;

b)

li jiġi żgurat li l-EPF tegħleb il-limiti attwali fl-ambitu tal-FPA u l-baġit tal-Unjoni dwar l-akkwist ta' armi u munizzjonijiet;

c)

jitlob li jiġi pprovdut finanzjament mill-baġit tal-UE għan-nefqa amministrattiva li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kunsill, inkluż għall-persunal;

d)

jistieden lill-Kunsill jitlob lill-Istati Membri jħallsu n-nefqa operattiva li tirriżulta mill-implimentazzjoni tagħha, inklużi t-tagħmir u t-taħriġ;

e)

jieħu nota li l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-finanzjament ta' azzjoni speċifika jew parti minnha jistgħu jastjenu mill-vot fil-Kunsill;

f)

jitlob li, fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), titwaqqaf diviżjoni ddedikata ġdida inkarigata mill-ġestjoni ta' dan l-istrument ġdid, biex tissorvelja l-provvista u l-użu ta' tagħmir u taħriġ, inklużi salvagwardji xierqa u miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju;

g)

huwa tal-fehma li l-provvista u l-użu ta' tali tagħmir u taħriġ għandhom jiġu mmonitorjati minn esperti ssekondati mill-Istati Membri f'din id-diviżjoni biex jiġi infurmat l-VP/RGħ, u jkunu soġġetti għal skrutinju mill-Parlament u vverifikati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

14.

Iqis li s-sostenibbiltà, l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-missjonijiet ċivili u militari tal-UE fl-Afrika, minkejja l-grad għoli ta' dedikazzjoni u professjonaliżmu tal-persunal tagħhom, ukoll ġew partikolarment imfixkla min-nuqqas ta' sjieda lokali, pjanijiet ta' sostenibbiltà u tagħmir bażiku fil-pajjiżi affettwati, kif ukoll fil-kapaċità tagħhom biex isaħħu l-kapaċità tas-sħab;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-użu tal-istrumenti ta' finanzjament kollha jiġi esplorat bl-għan li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kunflitti u jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' sigurtà fil-pajjiżi Afrikani milquta, skont l-Artikoli 209 u 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fid-dawl tal-kriżi tas-sigurtà serja ħafna fir-reġjun Saħelo-Saħarjan u fl-Afrika tal-Lvant;

16.

Jilqa' l-proposta biex jissaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija fir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” (JOIN(2020)0004); jistieden lill-Kummissjoni, u speċjalment lill-VP/RGħ, biex ivaraw sħubijiet bilaterali mfassla apposta għal trasformazzjoni li tkopri sett wiesa' ta' oqsma b'sigurtà u difiża bħala prijorità; jistieden lill-VP/RGħ biex jagħti ġieħ lil pajjiżi avvanzati fil-qasam tal-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tas-sigurtà tal-bniedem u biex jistedinhom jingħaqdu ma' sħubijiet bilaterali skont il-prinċipju “aktar għal aktar”; lil hinn mis-sħubijiet bilaterali, jistieden lill-VP/RGħ jassisti fil-konsolidazzjoni tal-funzjonijiet ta' sigurtà tal-organizzazzjonijiet subreġjonali, bħall-ECOWAS, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant jew il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC);

17.

Jirrakkomanda li l-UE tikkunsidra li tikkontribwixxi għall-ispejjeż operattivi u loġistiċi tal-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu mmexxija mill-forzi armati nazzjonali tal-Mauritania, tal-Mali, tal-Burkina Faso, tan-Niġer u taċ-Chad, fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi fiż-żona Saħelo-Saħarjana u li tieħu approċċ simili għal dak li tieħu biex tiffinanzja l-Forzi Konġunti tal-G5 tas-Saħel u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), u jinnota li l-EPF għandha tkun l-istrument xieraq li jagħmel dan;

18.

Iħeġġeġ diskussjoni dwar jekk huwiex rakkomandabbli li jkunu japplikaw għal programmi ta' taħriġ eżistenti l-istess faċilitajiet għall-akkwist ta' tagħmir militari, inklużi armi, bħal dawk attwalment previsti għall-iskjerament u t-taħriġ tal-forza tal-G5 tas-Saħel, inkluż appoġġ finanzjarju jekk meħtieġ;

19.

Jirrakkomanda li kwalunkwe finanzjament ta' operazzjonijiet ta' bini ta' kapaċità għall-pajjiżi Afrikani jingħata bil-kundizzjoni li l-pajjiż destinatarju jippreżenta pjan ta' appoġġ miftiehem b'mod komuni li jinkludi taħriġ dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u l-istat tad-dritt, bi skadenzi raġonevoli u li għandu jinkiseb bil-monitoraġġ tal-UE bil-possibbiltà ta' aktar aġġustamenti skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni;

20.

Jinsab ferm imħasseb dwar l-għadd kbir ta' każijiet ta' abbużi serji ħafna tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-Mali, kif investigat u rrappurtat mill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali (MINUSMA);

21.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandu l-Mali għall-istabbiltà tas-Saħel u jikkondividi t-tħassib profond tal-ECOWAS rigward il-kolp ta' stat f'Mali fit-18 ta' Awwissu 2020; jissottolinja li l-kooperazzjoni kontinwa mal-komunità internazzjonali u l-appoġġ mingħandha, b'mod partikolari l-UE u n-NU, jistgħu biss isiru b'suċċess jekk jittieħdu għadd ta' passi importanti, prinċipalment l-istabbiliment ta' sistema elettorali mħejjija tajjeb, vijabbli, trasparenti u dejjiema li tiżgura elezzjonijiet kredibbli, ħielsa u ġusti u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ġenwini għall-partiti politiċi; japprova l-bżonn ta' gvern tranżitorju inklużiv, li għandu jinkludi l-gruppi politiċi u soċjali kollha u jfittex li jissalvagwardja d-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonali ta' kull ċittadin, filwaqt li qatt ma jinsa l-isfidi urġenti tal-lum għas-soċjetà, għas-sigurtà u għall-ekonomija li jeħtieġu azzjoni urġenti biex jirreaġixxu għat-talbiet leġittimi tal-poplu għal djalogu inklużiv u kostruttiv dwar il-perkors futur ta' pajjiżhom; jappoġġja l-isforzi tas-SEAE biex jgħin tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika li fl-aħħar mill-aħħar tirritorna l-istabbiltà dejjiema u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Mali fl-istituzzjonijiet u fl-amministrazzjoni pubblika tagħhom, li għandha tkun verament inklużiva, ħielsa mill-korruzzjoni u taqdi liċ-ċittadini kollha fl-aspirazzjonijiet tagħhom għall-prosperità, il-paċi, l-iżvilupp, l-istabbiltà u s-sikurezza;

22.

Jinnota r-Rapporti ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Isforzi ta' Infurzar u ta' Għajnuna għal Rimedju għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali Minn Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat f'Operazzjonijiet Immirati lejn iż-Żamma tal-Paċi; jinsab profondament ixxukkjat dwar l-ambitu allarmanti ta' dawn id-delitti u n-nuqqas li l-awturi jinżammu responsabbli; jinsab ugwalment ixxukkjat b'allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal kontra t-truppi Ewropej u tan-NU, b'mod partikolari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2016, u jitlob li ssir ġustizzja; iħeġġeġ lin-NU, lill-Istati Membri tal-UE u lill-organi tal-PSDK tal-UE biex, mingħajr dewmien u bl-akbar determinazzjoni, jinvestigaw, iħarrku u jikkundannaw lil kwalunkwe membru tal-persunal tan-NU, nazzjonali u tal-UE li jkun wettaq atti ta' vjolenza sesswali; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu riformati l-istrutturi rilevanti b'tali mod li tintemm l-impunità tal-persunal tan-NU u tal-UE u billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza u ta' responsabbiltà li jiffunzjonaw u li jkunu trasparenti; iqisha inaċċettabbli li attwalment, l-azzjonijiet legali rigward allegati abbużi għadhom purament volontarji u jiddependu mill-pajjiż li jikkontribwixxi t-truppi; jinsab konvint li delitti gravi bħal dawn jistgħu jitnaqqsu u jiġu evitati wkoll permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni; ifakkar bil-qawwa fl-urġenza li jiġu evitati tali reati fil-futur, anke sabiex il-popolazzjoni lokali terġa' tikseb il-fiduċja fiż-żamma tal-paċi internazzjonali;

23.

Jitlob li l-format tal-missjonijiet ta' taħriġ ta' EUTM Mali, EUTM CAR u EUTM Somalia jiġi definit mill-ġdid biex il-missjonijiet jiġu adattati aħjar għall-ħtiġijiet reali tal-forzi armati u għal dawk tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi benefiċjarji billi:

a)

jiġu armonizzati l-metodi ta' taħriġ u r-regoli ta' proċedura u involviment u jiġu żgurati li jkunu uniċi u mfassla għall-ħtiġijiet identifikati fil-pajjiż u biex jiġi inkorporat it-taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, inkluża l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà;

b)

tiġi żviluppata u applikata politika ta' riforma globali tas-settur tas-sigurtà li jkollha s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tagħha u li tpoġġi l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-popolazzjoni kollha fil-qalba tal-komponenti kollha;

c)

jiġi żgurat li l-għalliema tal-UE jkollhom il-mandat, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet militari lokali, biex jagħżlu suldati minn fost dawk proposti mill-gvernijiet lokali, iħarrġuhom biex itejbu ħilithom, inkluż permezz tal-għarfien tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu ġellieda kapaċi, jissorveljawhom u jakkumpanjawhom fuq il-post ladarba jkunu lestew it-taħriġ tagħhom sabiex jivvalutawhom u jevitaw ix-xoljiment tal-unitajiet u d-dispersjoni tas-suldati;

d)

iċ-ċentri ta' taħriġ jingħataw tagħmir militari kemm kondiviż kif ukoll individwali (jekk il-pajjiż ikkonċernat ma jipprovdihx), sabiex ikun żgurat li jkun jista' jingħata taħriġ xieraq wara li l-UE tkun stabbiliet salvagwardji li jiggarantixxu l-konformità mat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 944 meta tittrasferixxi l-armi lejn pajjiżi terzi, filwaqt li tiggarantixxi verifika ta' wara t-trasportazzjoni u verifika tal-utent aħħari biex tipprevjeni d-devjazzjoni lejn gruppi armati, inklużi t-terroristi;

e)

tittejjeb ir-rata ta' okkupazzjoni ta' postijiet tal-persunal fil-missjonijiet sabiex jiġu ġestiti problemi rikorrenti;

f)

jiġi żgurat li t-taħriġ jikkorrispondi mar-realtà operattiva, jiġifieri għandu jinkludi l-mobbiltà u l-kapaċitajiet ta' kmand u kontroll;

g)

jibbenefika mis-sekondar tal-għarfien espert militari meħtieġ, b'mod partikolari fil-qasam tal-pariri strateġiċi;

h)

jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

24.

Jemmen li t-tisħiħ tal-komponent konsultattiv ta' ċerti missjonijiet (EUTM Somalia) fl-istrutturi ta' kmand tal-forzi lokali jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq kif jitwettqu l-operazzjonijiet u fi ħdan il-qafas multilaterali ta' assistenza militari;

25.

Jemmen li l-UE għandha timplimenta sorveljanza xierqa u tkompli twettaq valutazzjonijiet perjodiċi effikaċi u rieżamijiet strateġiċi tal-missjonijiet ċivili EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger, EUCAP Somalia u EUAM CAR, filwaqt li tirrevedi l-mandat, il-baġit u r-riżorsi umani tagħhom, u tkompli tuża s-sistemi ta' monitoraġġ skont il-pjan ta' implimentazzjoni tal-missjonijiet u l-valutazzjoni komparattiva bħala għodda komprensiva ta' gwida; jinsab konvint li l-missjonijiet ikunu adattati aħjar għas-sitwazzjonijiet politiċi u ta' sigurtà li qed jevolvu jekk jiġu adattati għall-ħtiġijiet lokali u jekk il-kooperazzjoni mas-sħab lokali tiġi intensifikata, u li dan jagħmilhom saħansitra aktar operattivi u effettivi, u jintegrahom fi sforz usa' ta' riforma tas-settur tas-sigurtà għas-servizz tas-sigurtà tal-popolazzjoni lokali; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jagħtu rispons lill-Parlament rigward ir-rapport annwali tal-2019 tal-PSDK (12) u l-evalwazzjoni tal-Parlament tal-missjonijiet fl-Afrika; jirrepeti l-kritika tiegħu għan-nuqqas ta' “indikaturi adegwati biex jimmonitorja r-riżultati tal-missjonijiet EUCAP Niġer u EUCAP Mali u li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-attivitajiet tal-missjonijiet kienu inadegwati u inadatti biex iqisu l-implikazzjonijiet tagħhom”; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jerġgħu jirreferu għall-evalwazzjoni tal-Parlament tal-ġenerazzjoni tal-forzi ta' EUTM Somalia;

26.

Jinnota li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja hija inkwetanti ħafna u hija fattur destabbilizzanti fil-Qarn tal-Afrika u anke lil hinn; iqis li l-Gvern Federali tas-Somalja ma jistax jassumi d-dmirijiet kollha tiegħu u li l-armata nazzjonali Somala, minkejja l-progress reċenti, għadha ma tistax tiġġieled waħedha l-attivitajiet terroristiċi ta' al-Shabaab; ifakkar fil-fatt li, f'Diċembru 2021, l-armata Somala kellha tissostitwixxi l-AMISOM; jissottolinja li l-issodisfar ta' dak l-objettiv jirrikjedi programm ta' assistenza ġdid u komprensiv, u jitlob lill-UE taqbel mal-Unjoni Afrikana u mal-Gvern Somalu dwar pożizzjoni rigward il-mekkaniżmu li għandu jiġi stabbilit ma' tmiem l-AMISOM;

27.

Jemmen li l-Kriżi tal-Golf qed ikollha ramifikazzjonijiet serji fis-Somalja, fejn l-Emirati Għarab Magħquda għadhom qed jappoġġaw azzjonijiet ċari li jdgħajfu direttament is-sigurtà u l-kisbiet politiċi li saru s'issa fis-Somalja, li joħolqu firda nazzjonali bejn il-Gvern Federali tas-Somalja u l-Istati Membri Federali dwar is-sigurtà, l-elezzjonijiet nazzjonali u kwistjonijiet ta' żvilupp, u jitlob li dawn l-azzjonijiet jieqfu minnufih;

28.

Jobbliga lill-firmatarji tal-Mali għall-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali li jirriżulta mill-Proċess ta' Alġeri biex jirrispettawhom u jimplimentawhom mingħajr aktar dewmien;

29.

Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-AMISOM matul il-perjodu ta' tranżizzjoni permezz tal-FPA, iżżomm il-preżenza tat-tliet missjonijiet u operazzjonijiet militari jew ċivili riveduti tal-UE (ATALANTA, EUTM Somalia u EUCAP Somalia), tappoġġja l-istituzzjonijiet demokratiċi, tissokta t-taħriġ tal-armata nazzjonali u t-twaqqif ta' setturi tas-sigurtà trasparenti, responsabbli u kkontrollati demokratikament;

30.

Jappella lill-Istati Membri u lill-UE jgħinu lill-forzi konġunti tal-G5 tas-Saħel isiru operattivi permezz tal-għoti ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll ta' tagħmir u taħriġ militari, filwaqt li jiġu inklużi salvagwardji adegwati u miżuri ta' mitigazzjoni, u pariri fil-qasam tad-duttrina, tal-kapaċitajiet ippjanati u tal-ġestjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal komponent b'saħħtu u kredibbli tal-pulizija f'dan ir-rigward; jistieden lis-sħab li impenjaw ruħhom fil-Konferenza tad-Donaturi ta' Brussell fit-22 ta' Frar 2018 biex jimplimentawhom malajr kemm jista' jkun;

31.

Jemmen li l-istati Afrikani għandhom jassumu r-responsabbiltà għat-twettiq tad-dmirijiet sovrani tagħhom biex jistabbilizzaw iż-żoni kollha meħlusa minn terroristi ġiħadisti, gruppi kriminali u armati, traffikanti u briganti, biex jissalvagwardjaw liċ-ċittadini u billi jipprovdu servizzi bażiċi (amministrazzjoni, provvista tal-ilma u tal-enerġija, saħħa, ġustizzja, edukazzjoni); billi l-armata u l-forzi tas-sigurtà għandhom jipprovdu temporanjament ambjent ta' sigurtà xieraq u s-servizzi bażiċi sakemm l-amministrazzjoni ċivili tieħu r-riedni, jitlob lill-Unjoni Ewropea żżid l-isforzi tagħha fl-appoġġ lill-istati Afrikani biex jipprovdu servizzi bażiċi;

32.

Jappoġġa t-talba tal-Unjoni Afrikana lin-Nazzjonijiet Uniti biex ikollha aċċess għal kontribuzzjonijiet ivvalutati min-NU għal missjonijiet immexxija mill-Afrika b'mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

33.

Jisħaq li l-koordinazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq hija meħtieġa kif inhu kontribut effettiv għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-Libja sabiex jiġi evitat li l-pajjiż isir hotspot għat-tixrid tal-ġiħadiżmu, tat-terroriżmu, tal-gruppi kriminali u armati, tal-armi u tat-traffikar tal-bnedmin; iħeġġeġ, għaldaqstant, it-taħdidiet ta' paċi 5+5 u jistieden lill-pajjiżi kollha jirrispettaw l-ispirtu tal-Konferenza ta' Berlin; jesprimi t-tama li s-sinjali reċenti għal waqfien mill-ġlied u paċi fil-Libja jimmaterjalizzaw; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattivi reċenti tas-SEAE u tal-VP/RGħ, b'mod partikolari ż-żjara tiegħu fil-Libja fl-1 ta' Settembru 2020, u jissottolinja li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fil-proċess ta' medjazzjoni;

34.

Jitlob li l-UE tindirizza t-theddid konsistenti u li qed jikber għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u trażżan il-kuntrabandu ta' artefatti kulturali, speċjalment f'żoni ta' kunflitt;

35.

Iqis li għandha tkun prevista l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq prinċipalment f'termini ta' skambju ta' informazzjoni u intelligence, taħriġ militari u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, filwaqt li titqies l-esperjenza ppruvata ta' xi wħud minnhom;

36.

Jemmen li politika ta' sigurtà komprensiva u fuq perjodu ta' żmien medju sa twil għal dawn ir-reġjuni għandha tiffoka wkoll fuq it-trawwim tar-reżiljenza;

37.

Jilqa' u jappoġġa l-approċċ komprensiv tal-Mauritania, li jinkludi strateġija mibnija fuq aspetti soċjali u ta' żvilupp, għar-rispons militari u ta' sigurtà tal-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-Niġer, mal-Mali u mal-Burkina Faso, pajjiżi li huma affettwati ħafna mit-terroriżmu; ifaħħar l-isforzi u s-sagrifiċċji tal-komunità internazzjonali, il-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali, it-Task Force Konġunta Multinazzjonali, il-G5 u l-Forzi Armati Franċiżi (Operazzjoni Barkhane), iċ-Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali tal-UE (RACC), l-EUCAP Sahel Mali u Niger, l-EUTM Mali, il-GAR-SI Saħel u l-Armata taċ-Chad, li hija l-forza essenzjali fis-setturi ċentrali u tal-Lvant tal-G5 li tirrikjedi appoġġ speċjali għall-brigati tagħha; jistieden lill-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel isegwu r-riformi domestiċi u jimplimentaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u r-responsabbiltà demokratika, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u n-normi demokratiċi;

38.

Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u tal-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, President fil-kariga tal-G5 tas-Saħel, Mohamed Cheikh el Ghazouani tat-28 ta' April 2020, li fiha ġeddu u żiedu l-impenn tagħhom għas-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp tas-Saħel f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-President attwali tal-ECOWAS;

39.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw u jikkooperaw mal-operazzjonijiet Barkhane u Takuba u mal-missjonijiet Gazelle u New Nero; jisħaq fuq l-investiment uman u militari importanti tal-Istati Membri li diġà jagħmlu parti minnhom; jinsisti fuq il-ħtieġa għal involviment Ewropew aktar b'saħħtu, iżda li dan ma jistax jissostitwixxi l-obbligu tal-pajjiżi li jwettqu r-riformi domestiċi meħtieġa bl-għan li jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli u s-setturi tas-sigurtà;

40.

Jappella lill-UE tagħti attenzjoni partikolari lill-firxa ta' gruppi terroristiċi armati, b'mod partikolari t-terroriżmu Iżlamiku u l-estremiżmu Waħħabiżmu vjolenti, fir-reġjuni tas-Saħel, tal-Afrika tal-Punent u tal-Qarn tal-Afrika, u tkompli bl-isforzi globali tagħha fil-ġlieda kontra l-ġiħadiżmu; fid-dawl tal-impatt strateġiku ta' dawn ir-reġjuni fuq l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, fuq is-sigurtà marittima u ċ-ċertezza ta' pressjoni fuq il-fruntieri esterni Ewropej, jitlob aġġornament tal-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-programmi ta' għajnuna mal-pajjiżi kkonċernati;

41.

Iħeġġeġ lill-UE twettaq evalwazzjoni komprensiva tal-JAES u tal-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà intitolata “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” tad-9 ta' Marzu 2020, u tippromwovi l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015-2020, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni UE-Golf tal-Guinea 2015-2020, tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika/il-Baħar l-Aħmar u s-Saħel/Mali, u tad-Dikjarazzjoni ta' Pau;

42.

Jirrikjedi protezzjoni u appoġġ ulterjuri għall-awtoritajiet, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet edukattivi li joperaw fuq il-post li jippruvaw isibu opportunitajiet ta' tagħlim alternattivi f'ċentri tal-komunità u jinvolvu eluf ta' tfal tal-Afrika tal-Punent u tas-Saħel fl-edukazzjoni u fil-programmi tat-tagħlim tal-ħiliet;

Governanza tajba u żvilupp sostenibbli

43.

Jiddikjara li ma jistax ikun hemm strateġija ta' sigurtà mingħajr azzjoni konġunta fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibbli u l-għajnuna umanitarja; ifakkar fid-diversi kawżi ewlenin tat-terroriżmu u l-kunflitt armat; jitlob li jitrawmu l-kapital uman u l-iżvilupp tal-bniedem, li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-aktar komunitajiet vulnerabbli u li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta' reżiljenza tal-persuni;

44.

Jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-pjanijiet ta' żvilupp sostenibbli jkunu bbażati fuq il-kuntest u multisettorjali u jipprovdu soluzzjoni globali għall-isfidi tar-reġjun ikkonċernat; jisħaq li approċċ integrat għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli jirrikjedi l-involviment sinifikanti tal-atturi tas-soċjetà ċivili lokali, u speċjalment tan-nisa u ż-żgħażagħ, filwaqt li jfakkar fir-rwol tal-anzjani u tal-mexxejja tradizzjonali f'soċjetajiet Saħelo-Saħarjani; huwa tal-opinjoni li dawn il-pjanijiet iridu jkunu konformi mal-prinċipji ta' effikaċja tal-għajnuna riaffermati fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, jiġu adottati mill-amministrazzjoni bi qbil mal-komunitajiet benefiċjarji lokali u implimentati bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili lokali u ta' organizzazzjonijiet umanitarji biex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva, trasparenza u sjieda;

45.

Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija man-NU, il-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, b'mod partikolari l-Unjoni Afrikana, u d-djalogu ma' organizzazzjonijiet reġjonali u sottoreġjonali oħrajn;

46.

Iqis li kooperazzjoni sinifikanti ta' sigurtà bejn l-UE u l-Afrika trid tkun mibnija fuq l-iżvilupp sostenibbli, u trid tiffoka b'mod speċjali fuq:

a)

il-konsolidazzjoni tad-demokrazija billi jiġu żgurati sistemi demokratiċi ta' governanza responsabbli permezz ta' skrutinju parlamentari effikaċi, kif ukoll istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jiggarantixxu l-libertajiet kollha tas-soċjetà ċivili;

b)

il-fatt li jintemmu l-kunflitti u li jiġi evitat li jerġgħu jseħħu filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħhom sabiex jinkisbu paċi u sigurtà dejjiema;

c)

l-iżvilupp ta' politiki li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi li jiffukaw fuq iż-żgħażagħ; il-fatt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-proċessi politiċi, ekonomiċi u ta' paċi;

d)

l-appoġġ għal pjanijiet ta' azzjoni ta' stabbilizzazzjoni preventiva;

e)

l-għoti tas-setgħa lin-nisa billi jiġu rikonoxxuti bħala aġenti tal-bidla fil-komunitajiet Afrikani, filwaqt li jittejbu l-opportunitajiet edukattivi u ekonomiċi tagħhom, tiġi promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istituzzjonijiet lokali u nazzjonali u fit-teħid ta' deċiżjonijiet, u billi jitrawwem ir-rwol tagħhom fil-bini tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-medjazzjoni, u billi tiġi miġġielda l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet;

f)

il-forniment ta' servizzi bażiċi bħas-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, l-ilma, is-sanità u l-iġjene, il-protezzjoni soċjali, l-akkomodazzjoni u xbieki ta' sikurezza, l-appoġġ u l-protezzjoni tas-saħħa mentali, l-edukazzjoni u l-appoġġ għall-popolazzjoni spostata sabiex tiżdied il-fiduċja tan-nies fl-istat;

g)

l-iżgurar tal-istabbiltà amministrattiva, legali u ta' sigurtà;

h)

il-qerda tal-faqar, l-impunità u l-korruzzjoni;

i)

l-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima billi jitqiesu l-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima sabiex jiġi żgurat li l-għajxien isir sostenibbilment reżiljenti għal theddid ambjentali;

j)

ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-media, il-libertà ta' assoċjazzjoni u t-tisħiħ tal-appoġġ strutturali għas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti;

k)

il-promozzjoni ta' prattiki agrikoli sostenibbli bħall-agroekoloġija, l-għoti ta' appoġġ lil produtturi u bdiewa b'azjendi agrikoli żgħar u l-implimentazzjoni ta' rabta nutrittiva biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' malnutrizzjoni fil-kuntesti kollha u t-tkomplija tal-finanzjament għal attivitajiet li jgħaqqdu l-interventi umanitarji u ta' żvilupp biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin;

47.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-isfidi attwali ta' sigurtà fl-Afrika, flimkien ma' inugwaljanzi persistenti, nuqqas ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ u governanza dgħajfa, jistgħu jħeġġu l-migrazzjoni u jwasslu għal spostament sinifikanti ta' persuni, filwaqt li jdgħajfu lill-Istati tal-Afrika ta' Fuq u jaffettwaw lill-Ewropa, u jirriżultaw fi kriżi umanitarja mifruxa; jirrikonoxxi l-impatt tal-kunflitti, il-faqar, l-inugwaljanzi u t-tibdil fil-klima fuq l-ispostamenti furzati, u jistieden lill-Unjoni Ewropea tiffaċilita migrazzjoni regolari, sikura u dinjituża; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni bejn, b'mod partikolari, l-UE u r-reġjun tas-Saħel biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni importanti, filwaqt li jfakkar fil-prattika aċċettata li ma tiġix applikata kondizzjonalità għall-għajnuna umanitarja marbuta ma' azzjonijiet fil-qasam tal-migrazzjoni fir-reġjun;

48.

Jilqa' l-istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, li tinkludi mhux biss is-sigurtà u l-politika umanitarja, iżda wkoll politika ta' żvilupp għat-terminu itwal ta' żmien u l-objettivi tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; jissottolinja l-importanza ta' din il-viżjoni fuq perjodu itwal ta' politika ta' żvilupp, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki tagħhom f'dan ir-rigward u jimplimentaw programmazzjoni konġunta għad-diversi pajjiżi u għar-reġjun mill-iktar fis possibbli;

49.

Jappella għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà fil-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà;

50.

Jitlob lill-UE tippromwovi l-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluża perspettiva tal-ġeneru dwar oqsma ta' politika ewlenin tas-sħubija strateġika UE-Unjoni Afrikana dwar is-sigurtà;

51.

Jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mal-parlamenti nazzjonali, inklużi l-kumitati tas-sigurtà u d-difiża, sabiex ittejjeb il-funzjonijiet kritiċi ta' sorveljanza li jappartjenu għall-interventi tas-sigurtà nazzjonali u esterni;

52.

Iħeġġeġ lill-atturi militari kollha fis-Saħel jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jimplimentaw rispons komprensiv li jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tbatija tal-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni, b'mod partikolari billi titqies il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili bħala indikatur ewlieni tas-suċċess ta' kwalunkwe strateġija ta' sigurtà integrata; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet kollha ta' sigurtà ma jaggravawx is-sitwazzjoni umanitarja; jistieden lill-atturi kollha tas-sigurtà jimmonitorjaw l-impatt tal-operazzjonijiet militari u tal-miżuri ta' sigurtà tagħhom fuq l-aċċess għas-servizzi – li jinkludu l-ikel u n-nutrizzjoni, u l-ispostament furzat – bil-għan li jitnaqqsu l-effetti negattivi tagħhom fuq il-ħtiġijiet umanitarji;

53.

Iqis li huwa essenzjali li tingħata għajnuna straordinarja u olistika lir-reġjuni kkonċernati fid-dawl tal-isfida straordinarja ppreżentata mill-pandemija tal-COVID-19, li tiġi ppreservata l-kontinwità tan-negozju għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK billi jiġu appoġġati l-forzi armati lokali b'pariri dwar kif tiġi ttrattata din l-epidemija, li tissaħħaħ l-azzjoni ta' żvilupp tal-UE f'dawn ir-reġjuni, li jista' jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-impatt tal-kriżi tas-saħħa, u li tingħata għajnuna umanitarja essenzjali u tintwera flessibbiltà u adattabbiltà għas-sitwazzjoni; jilqa' d-deċiżjoni adottata unanimament mill-G20 li jiġu sospiżi l-ħlasijiet tas-servizzi tad-dejn lill-ifqar pajjiżi;

54.

Jirrakkomanda li l-UE tintervjeni, b'kollaborazzjoni mal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, fuq livell finanzjarju biex tgħin fil-kontroll tad-dejn u l-pagament tal-imgħax; jitlob li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet kollha, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi finanzjarji tagħha, għal serħan mid-dejn, sospensjoni tad-dejn u sostenibbiltà tad-dejn għall-pajjiżi Afrikani;

55.

Jirrakkomanda li l-pajjiżi kkonċernati jassumu bis-sħiħ ir-responsabbiltà legali internazzjonali tagħhom u jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw ir-responsabbiltà fl-ambitu tad-dritt umanitarju internazzjonali għall-ksur kollu mwettaq mill-partijiet kollha, li jippermettu aċċess liberu għall-għajnuna umanitarja u s-servizzi bażiċi għall-persuni fil-bżonn, inklużi dawk li jgħixu f'territorji barra mill-kontroll tal-gvern, biex jiġi evitat kull riskju ta' devjazzjoni tal-għajnuna umanitarja, u li jippermettu negozjati dwar l-aċċess umanitarju mal-partijiet kollha fil-kunflitt, u jisħaq fuq l-importanza li l-għajnuna umanitarja titqies bħala newtrali u imparzjali, u li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji;

56.

Jilqa' l-proposta biex jissaħħaħ il-prinċipju tal-multilateraliżmu fir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta intitolata “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika”; iqis li ċ-Ċina komunista u r-Russja awtoritarja segwew approċċi differenti fir-relazzjoni tagħhom ma' pajjiżi Afrikani u li jmorru kontra l-isforzi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-isforzi ta' diplomazija pubblika u d-djalogu mal-Unjoni Afrikana, il-gvernijiet, il-parlamenti u s-soċjetajiet ċivili sabiex jiġi spjegat l-appoġġ tal-UE favur is-sigurtà fl-Afrika b'mod aktar effikaċi bħala kontribut għall-istrateġija tal-iżvilupp tal-Afrika 2063;

o

o o

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 54 I, 26.2.2020, p. 9.

(2)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 38.

(3)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 33.

(4)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 113.

(5)  ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

(6)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 56.

(7)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 153.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2019)0158.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0009.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0008.

(11)  JOIN(2015)0017.

(12)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali (Testi adottati, P9_TA(2020)0009).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/39


P9_TA(2020)0217

Ebda oġġezzjoni għal miżura ta' implimentazzjoni: emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssirx oppożizzjoni għal abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 16 (D067917/01 – 2020/2712(RPS))

(2021/C 385/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (D067917/01,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhuwiex se jopponi l-abbozz ta' regolament,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tat-2 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(4)(d) u l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.

billi fit-28 ta' Mejju 2020 il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ħareġ id-dokument dwar il-konċessjonijiet ta' kera relatati mal-COVID-19 (emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 16 – Leasing); billi l-emendi għall-IFRS 16 jipprovdu għajnuna operazzjonali fakultattiva, temporanja u relatata mal-COVID-19 għal kerrejja li jibbenefikaw minn vaganzi ta' pagamenti ta' lokazzjoni mingħajr ma jimminaw ir-rilevanza u l-utilità tal-informazzjoni finanzjarja rrappurtata mill-kumpaniji;

B.

billi fit-2 ta' Ġunju 2020, il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) pprovda lill-Kummissjoni b'parir ta' approvazzjoni pożittiv tal-emendi għall-IFRS 16;

C.

billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-emendi għall-IFRS 16 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għal adozzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002;

D.

billi fit-2 ta' Lulju 2020, il-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà ħareġ opinjoni pożittiva dwar l-emendi għall-IFRS 16;

E.

billi l-IASB stabbilixxa l-1 ta' Ġunju 2020 bħala d-data effettiva għal dawn l-emendi għall-IFRS 16 bil-possibbiltà li tiġi applikata qabel; billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jemenda għandhom japplikaw retroattivament biex tiġi garantita ċ-ċertezza legali għall-emittenti kkonċernati u l-konsistenza ma' standards ta' kontabbiltà oħrajn kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3); billi l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-EFRAG u s-servizzi tal-Kummissjoni enfasizzaw interess qawwi fl-applikazzjoni bikrija tal-kontijiet finanzjarji semiannwali għall-perjodi li jintemmu fit-30 ta' Ġunju 2020;

1.

Jiddikjara li ma jopponix l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill.

(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/40


P9_TA(2020)0221

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (2019/2200(INI))

(2021/C 385/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Georgia, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ b'mod sħiħ fl-1 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (1), tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia (3), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (4), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia min-naħa l-oħra (5),

wara li kkunsidra l-eżitu tal-ħames laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia tal-5 ta' Marzu 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali u r-rakkomandazzjonijiet tat-tmien laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia li saret fis-27 u t-28 ta' Marzu 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar reċenti dak tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-sitt laqgħa tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Georgia tal-20 ta' Frar 2020,

wara li kkunsidra l-eżitu tat-tielet Djalogu ta' livell għoli dwar is-Sigurtà Strateġika bejn l-UE u l-Georgia tal-25 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' Frar 2020 dwar ir-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Georgia (SWD(2020)0030),

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil u d-Dikjarazzjoni Konġunta, iffirmati mill-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni tal-Georgia fit-8 ta' Marzu 2020, dwar l-elezzjonijiet parlamentari tal-2020,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-abbozz tal-Kostituzzjoni riveduta tal-Georgia,

wara li kkunsidra l-opinjoni finali tal-Kummissjoni ta' Venezja tad-19 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni tal-Georgia,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tat-28 ta' Frar 2019 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Georgia,

wara li kkunsidra l-opinjoni urġenti tal-Kummissjoni ta' Venezja tas-16 ta' April 2019 dwar l-għażla u l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema fil-Georgia u t-tieni rapport tal-ODIHR tad-9 ta' Jannar 2020 dwar in-nomina u l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema fil-Georgia,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0136/2020),

A.

billi l-Georgia u l-UE, bħala sħab assoċjati, jinsabu impenjati li jippromwovu l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika abbażi ta' valuri u prinċipji komuni bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; billi s-soċjetà tal-Georgia qed tkompli turi appoġġ qawwi għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż u t-tqarrib tiegħu mal-UE;

B.

billi skont l-Artikolu 49 TUE u f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, kull Stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jkun jirrispetta l-kriterji ta' Copenhagen;

C.

billi d-dħul fis-seħħ tal-Kostituzzjoni riveduta tiegħu f'Diċembru 2018 ikkonkluda t-tranżizzjoni tal-Georgia lejn sistema parlamentari sħiħa; billi sar progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia (FA), inkluża l-bidla għal sistema elettorali kompletament proporzjonali mill-2024;

D.

billi l-Georgia baqgħet impenjata għall-implimentazzjoni tal-FA u taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u qed tkompli l-allinjament tagħha mal-acquis u mal-istandards tal-UE, li qed iwassal għal żieda fil-benefiċċji;

E.

billi tentattivi biex tiġi destabbilizzata l-Georgia qed ikomplu, inter alia permezz tal-implimentazzjoni tal-hekk imsejħa “trattati” bejn il-Federazzjoni Russa u r-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, l-għeluq tal-punti ta' qsim viċin il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva fir-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar minn Awwissu 2019, iż-żieda ta' “frunterizzazzjoni” tul il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva, u l-organizzazzjoni tal-hekk imsejħa “elezzjonijiet presidenzjali” f'Abkażja f'Marzu 2020;

F.

billi d-djalogu ffaċilitat reċenti bejn l-UE u l-Istati Uniti bejn il-partiti fil-gvern u dawk fl-oppożizzjoni wassal għal Memorandum ta' Qbil u Dikjarazzjoni Konġunta, iffirmati mill-partijiet ewlenin kollha fit-8 ta' Marzu 2020, li jirrappreżenta pass kruċjali lejn id-depolarizzazzjoni u n-normalizzazzjoni tal-ambjent politiku fil-Georgia fiż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari f'Ottubru 2020;

G.

billi r-riformi tas-settur tal-ġustizzja għadhom modesti u billi l-ħatra reċenti ta' 14-il imħallef tal-Qorti Suprema għall-għomorhom wriet nuqqas ta' trasparenza, b'devjazzjoni minn kriterji oġġettivi bbażati fuq il-mertu u tiżvela l-influwenza tal-politika partiġjana; billi l-votazzjoni fil-plenarja dwar il-ħatriet ġudizzjarji ttieħdet f'kuntest ta' kriżi politika, bojkott mill-oppożizzjoni, sejħiet mifruxa ħafna għal posponiment u tfixkil serju matul l-istadji tal-kumitati u dawk plenarji;

1.

Jilqa' l-approfondiment kontinwu tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Georgia u l-appoġġ qawwi li tgawdi t-triq li għażlet il-Georgia lejn l-integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika fl-ispettru politiku kollu u fis-soċjetà; jirrikonoxxi l-progress li kisbet il-Georgia fl-implimentazzjoni ta' riformi komprensivi, li għamlu lill-Georgia sieħba ewlenija tal-UE fir-reġjun, u jtenni l-ħtieġa li jkomplu jiġu implimentati u mmonitorjati riformi skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva; ifakkar li l-kooperazzjoni msaħħa u l-assistenza tal-UE huma bbażati fuq il-prinċipju “aktar għal aktar” u jiddependu fuq il-progress kontinwu tar-riforma, b'mod partikolari d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inklużi kontrolli u bilanċi fl-istituzzjonijiet, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-riforma elettorali;

2.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, inkluż permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-attivitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) u l-politika ta' nonrikonoxximent u impenn; jikkundanna bil-qawwa l-okkupazzjoni illegali tar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-Federazzjoni Russa u l-installazzjoni illegali li għadha għaddejja ta' ħitan tal-barbed wire u ostakli artifiċjali oħra (“frunterizzazzjoni”) tul il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva minn atturi tas-sigurtà Russi u de facto tal-Ossezja tan-Nofsinhar u jenfasizza li dan il-ksur tad-dritt internazzjonali jeħtieġ li jitwaqqaf; jesiġi li l-awtoritajiet de facto fl-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar jerġgħu jiftħu l-punti ta' qsim magħluqa mingħajr dewmien u jieqfu milli jillimitaw il-libertà tal-moviment f'dawk ir-reġjuni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri jiddenunzjaw dan il-proċess; jenfasizza li l-FA jkopri t-territorju kollu tal-Georgia, inklużi r-reġjuni okkupati tagħha, u għandu l-għan li jkun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni kollha; jistieden lill-Federazzjoni Russa tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied li kien medjat mill-UE fit-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari biex tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorji okkupati tal-Georgia u tippermetti aċċess bla xkiel għall-EUMM għat-territorju kollu tal-Georgia; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), f'dan ir-rigward, jikkomunika b'mod ċar id-dispożizzjonijiet li għadhom ma ġewx issodisfati mill-Federazzjoni Russa; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-kunflitt b'mod paċifiku billi jużaw l-istrumenti diplomatiċi kollha, inkluż permezz tal-EUMM u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, u biex ikomplu jappoġġaw l-inizjattiva tal-Parlament Georgjan “Pass lejn Futur Aħjar” u jrawmu miżuri ta' kuntatt bejn il-persuni u għall-bini tal-fiduċja; jilqa' l-isforzi tal-Georgia biex tippromwovi relazzjonijiet tajba mal-ġirien u kooperazzjoni kostruttiva fost il-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar;

3.

Ifaħħar ir-rispons, rikonoxxut internazzjonalment, tal-poplu u tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Georgia għat-tifqigħa tal-COVID-19 u jenfasizza l-miżuri preventivi effettivi li ħadu l-ħaddiema mediċi u l-awtoritajiet governattivi, li għenu biex jitnaqqas il-piż fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tal-Georgia u biex jittaffew l-effetti negattivi fuq l-ekonomija; jifraħ liċ-ċittadini tal-Georgia talli osservaw dawn il-miżuri fil-konfront ta' diffikultajiet ekonomiċi u soċjali; jinkoraġġixxi l-ġenerazzjoni ta' investiment biex titjieb il-kwalità u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa; jilqa' l-fatt li l-UE tat EUR 183 miljun f'għotjiet lill-Georgia bħala rispons għall-COVID-19 u EUR 150 miljun f'self bil-għan li ttejjeb l-istabbiltà makroekonomika tagħha u tippermetti li r-riżorsi jiġu diretti lejn il-protezzjoni taċ-ċittadini, il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi estremament serji tal-pandemija u ż-żieda fil-kooperazzjoni mal-UE dwar ir-reżiljenza tas-saħħa pubblika, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki u ħidma mas-soċjetà ċivili dwar l-istabbiliment ta' strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli;

4.

Jilqa' l-fatt li minn Marzu 2017 'l hawn, ċittadini Georgjani għamlu 900 000 żjara mingħajr viża f'pajjiżi Schengen u f'pajjiżi assoċjati ma' Schengen; jinnota l-għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi minn ċittadini Georgjani, u jistieden lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu lill-Georgia bħala pajjiż ta' oriġini bla periklu sabiex jitħaffef l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet bħal dawn u r-riammissjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni kontinwa tal-parametri ta' liberalizzazzjoni tal-viża mill-Georgia u ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-Georgia u l-Istati Membri, biex titnaqqas il-kriminalità transfruntiera, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar ta' drogi illegali; jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi bejn il-Georgia u l-Europol;

5.

Jenfasizza r-rwol tal-Georgia bħala sieħba affidabbli tal-UE u kontributur sinifikanti għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u tan-NATO; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-Georgia dwar il-PSDK, b'mod partikolari fid-dawl tal-interess tal-Georgia fid-diskussjoni dwar il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fi proġetti PESCO u fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-UE, meta jkun ta' interess reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għall-Georgia;

Id-djalogu politiku u l-elezzjonijiet parlamentari

6.

Ifaħħar lill-partiti politiċi ewlenin kollha għall-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil u d-Dikjarazzjoni Konġunta bil-medjazzjoni internazzjonali tat-8 ta' Marzu 2020, li stabbilixxa l-karatteristiċi ewlenin tas-sistema elettorali bbażata fuq 120 siġġu proporzjonali u 30 siġġu maġġoritarju u kompożizzjoni ġusta ta' distretti elettorali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, u ppermetta li din is-sistema tintuża għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2020; jilqa' l-eżitu tad-djalogu bejn il-partiti bħala sinjal ċar ta' rieda biex tinstab soluzzjoni komuni u jenfasizza l-importanza li tkompli tinbena l-fiduċja bejn il-partiti politiċi u li jitkompla d-djalogu bejn il-partiti fiż-żmien tat-tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2020 kif ukoll bħala bażi għall-istabbiltà politika; jilqa' l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-8 ta' Marzu 2020 u d-deċiżjoni tal-President Zourabichvili tal-15 ta' Mejju 2020 għall-maħfra ta' żewġ mexxejja tal-oppożizzjoni li jinsabu l-ħabs – pass importanti lejn it-tħaffif tat-tensjonijiet; jistieden lill-partijiet kollha, f'dan ir-rigward, jonoraw kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu tal-ftehim u jimplimentaw bis-sħiħ l-aspetti kollha tiegħu, jiġifieri li jiżguraw li l-elementi kollha tar-riforma elettorali jiġu tradotti fil-Kostituzzjoni u fil-liġi filwaqt li jiġu implimentati, u li l-każijiet pendenti kollha ta' proċessi ġudizzjarji politiċizzati jissolvew mingħajr dewmien;

7.

Jilqa' l-fatt li l-Parlament tal-Georgia beda jiddelibera dwar ir-riformi tas-sistema elettorali hekk kif tneħħa l-istat ta' emerġenza u ġew adottati b'suċċess l-emendi għall-Kostituzzjoni u l-kodiċi elettorali; jifraħ lill-Georgia għall-passi li ħadet lejn l-istabbiliment ta' Parlament aktar rappreżentattiv u d-depolarizzazzjoni tal-ambjent politiku; jistieden lill-partiti politiċi u lill-parlamentari kollha biex ikomplu jaħdmu lejn il-progress tad-demokrazija tal-Georgia in bona fede;

8.

Jinnota li l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin se jkunu kruċjali biex jiġu kkonfermati l-kredenzjali demokratiċi tal-Georgia u jesprimi t-tama, għaldaqstant, li ssir kampanja elettorali kkaratterizzata minn kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani jimplimentaw malajr u jindirizzaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u jirrevedu l-leġiżlazzjoni rilevanti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-isfidi identifikati, inkluż l-użu ħażin ta' riżorsi pubbliċi għal kampanji politiċi u metodi oħra mhux xierqa ta' finanzjament tal-kampanji, l-impunità għall-vjolenza, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda u l-ksenofobija, ix-xiri tal-voti, ir-rappreżentanza tal-oppożizzjoni fl-Amministrazzjoni Elettorali, u s-sitwazzjoni fejn il-votanti, speċjalment l-impjegati taċ-ċivil, “jivvutaw mingħajr pressjoni u biża' ta' retribuzzjoni” (6); jistieden lill-awtoritajiet jissalvagwardjaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-osservaturi elettorali biex ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ebda intimidazzjoni jew interferenza;

9.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Georgjani u lill-Amministrazzjoni Elettorali tal-Georgia jiżguraw ambjent sikur għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2020 billi jipprovdu tagħmir ta' protezzjoni personali għall-persunal elettorali, billi jadattaw il-faċilitajiet ta' votazzjoni biex jiggarantixxu s-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini li jkunu qed jieħdu sehem, u jiżguraw li l-osservaturi elettorali jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr tfixkil;

10.

Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għas-soċjetà ċivili vibranti tal-Georgia u jenfasizza r-rwol kruċjali li għandha biex tipprovdi sorveljanza demokratika u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia jistabbilixxu mekkaniżmi formali għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess politiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani biex iniedu programmi nazzjonali ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili flimkien ma' dawk ipprovduti mill-UE u mill-komunità internazzjonali tad-donaturi;

L-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-libertà tal-media

11.

Jirrikonoxxi l-progress li għamlet il-Georgia bir-riformi tagħha, li jsaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari r-riformi kostituzzjonali mwettqa fl-2018; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jikkonsolida l-istat tad-dritt u jkompli jsegwi r-riforma tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-qbid tal-istat, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, id-deċentralizzazzjoni, il-governanza tajba, l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-forniment tad-drittijiet tax-xogħol sabiex tkompli tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn il-Georgia u l-UE;

12.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kawżi reċenti tal-qorti kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni, li dgħajfu l-fiduċja bejn il-partit fil-gvern u l-oppożizzjoni, jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv ir-riformi relatati mal-FA/DCFTA u jmorru kontra l-kliem u l-ispirtu tal-FA; jilqa' l-maħfra presidenzjali tal-politiċi tal-oppożizzjoni kkundannati, li twitti t-triq għad-depolarizzazzjoni tal-politika u tas-soċjetà; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani joqogħdu lura milli jsegwu kwalunkwe kawża ġudizzjarja b'motivazzjoni politika u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE timmonitorja dawn il-proċessi kollha; jistieden lill-Georgia tirrispetta l-ogħla standards tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari l-indipendenza ġudizzjarja u d-dritt għal proċess ġust u għad-drittijiet tal-bniedem, kif impenjat ruħha fl-ambitu tal-FA;

13.

Jitlob li ssir reviżjoni tal-proċeduri tal-għażla tal-imħallfin biex jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja jiġu implimentati bis-sħiħ qabel ma jsiru ħatriet ġodda; jiddispjaċih għall-fatt li l-proċedura tal-għażla reċenti tal-imħallfin tal-Qorti Suprema ma kinitx kompletament konformi ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u kellha nuqqasijiet serji; jenfasizza l-importanza ta' ġudikatura depolitiċizzata, ħielsa mill-indħil politiku u li tirrispetta t-trasparenza, il-meritokrazija u r-responsabbiltà fil-ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema tal-Georgia u istituzzjonijiet ġudizzjarji oħra; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia, għalhekk, ikompli u jikkonsolida r-riformi tiegħu tas-sistema ġudizzjarja, inkluż l-Uffiċċju tal-Prosekuturi, filwaqt li jrawwem djalogu miftuħ mal-atturi politiċi kollha u mas-soċjetà ċivili kollha u jiżgura li l-istandards internazzjonali jiġu rispettati;

14.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni sħiħa u kontinwa mal-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà komprensiva għall-każijiet li ssegwi;

15.

Jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-inċidenti kollha ta' użu eċċessiv tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Georgia kontra dimostranti u ġurnalisti paċifiċi, inkluż matul il-protesti ta' Ġunju 2019; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi evitata l-impunità u jiġi żgurat li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jirrispetta d-dritt għall-għaqda paċifika u għal-libertà ta' espressjoni, f'konformità mal-impenji skont il-FA, inkluż billi jnaqqas sanzjonijiet sproporzjonati għall-protestanti;

16.

Jirrikonoxxi li x-xenarju tal-media fil-Georgia huwa dinamiku u pluralistiku, iżda wkoll polarizzat; jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-media, li għandha tinvolvi aċċess ugwali għall-partiti politiċi kollha għall-media, indipendenza editorjali u kopertura pluralistika, indipendenti, imparzjali u mhux diskriminatorja tal-fehmiet politiċi fil-programmazzjoni minn xandara privati u b'mod partikolari dawk pubbliċi matul il-kampanja elettorali li jmiss; jisħaq fuq il-ħtieġa għal dispożizzjonijiet ċari li jirregolaw ir-reklami bla ħlas kif ukoll dawk imħallsa u għal trasparenza mtejba tas-sjieda tal-media permezz ta' monitoraġġ imsaħħaħ tal-media; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżommu lura milli jindaħlu fil-libertà tal-media jew milli jsegwu kawżi ġudizzjarji b'motivazzjoni politika kontra s-sidien jew ir-rappreżentanti tal-media; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jieħu passi biex jipprevjeni kampanji ta' diżinformazzjoni minn atturi barranin jew domestiċi kontra l-pajjiż jew kwalunkwe partit politiku; iħeġġeġ lill-pjattaformi tal-media soċjali jiżguraw li dawn ma jintużawx b'mod ħażin biex tiddgħajjef l-integrità tal-proċess elettorali;

17.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki ċibernetiċi kontra l-istituzzjonijiet u l-mezzi tal-media tal-Georgia li ħafna minnhom huma attribwiti għal atturi Russi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu investigati b'mod effettiv u miġġielda l-kampanji ta' diżinformazzjoni barranin u l-propaganda, li qed jimminaw l-istituzzjonijiet tal-Georgia u joħolqu polarizzazzjoni fis-soċjetà; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE, għalhekk, biex iżidu l-kooperazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Georgia f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tappoġġa riformi dwar il-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni, u lill-Gvern tal-Georgia biex jikkoopera mal-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-aħjar prattiki kontra d-diżinformazzjoni; Jistieden, barra minn hekk, lill-atturi politiċi kollha fil-Georgia biex iżommu lura milli jużaw il-media soċjali biex jattakkaw persuni, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet u jxerrdu informazzjoni ħażina b'intenzjoni; jinnota l-azzjoni reċenti meħuda mill-pjattaformi tal-media soċjali kontra l-kontijiet u l-paġni li kienu involuti f'imġiba inawtentika kkoordinata u attakki kontra l-oppożizzjoni, il-media u s-soċjetà ċivili;

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali

18.

Jiddeplora l-ksur kostanti mill-Federazzjoni Russa, li teżerċita kontroll qawwi fuq ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, fuq id-drittijiet fundamentali tal-persuni f'dawn ir-reġjuni okkupati, li qed jiġu mċaħħda mil-libertà ta' moviment u residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa tal-oriġini, u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għad-dritt tar-ritorn sikur u b'dinjità tal-persuni spustati internament u refuġjati; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-proċess ta' “frunterizzazzjoni” kontinwu u illegali għandu effetti detrimentali fil-kuntest tal-ġlieda li għaddejja kontra l-pandemija tal-COVID-19, minħabba li r-restrizzjoni tal-libertà ta' moviment qed iċċaħħad lin-nies mill-aċċess għas-servizzi mediċi meħtieġa u tipperikolalhom ħajjithom; jilqa' bi pjaċir it-tkomplija tal-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmi għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti (IPRMs) f'Ergneti fit-30 ta' Lulju 2020 u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ikomplu d-djalogu regolari f'dan il-format biex titjieb is-sitwazzjoni umanitarja u ta' sikurezza tal-popolazzjoni milquta mill-kunflitt;

19.

Jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni ewlenija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv; ifaħħar il-ħidma tal-Kunsill għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Parlament Georgjan u l-isforzi tiegħu biex jidentifika u jqajjem kuxjenza dwar il-fastidju sesswali bħala forma ta' diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet Georgjani biex ikomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika u tas-soċjetà; jitlob li l-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, fil-programmi u fl-attivitajiet kollha tagħha b'rabta mal-Georgia; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

20.

Jilqa' l-ħidma tad-Dipartiment tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Georgia u jinsisti li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni għandha tiġi implimentata bir-reqqa u b'mod effiċjenti; jitlob li jsiru aktar sforzi biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, il-persuni LGBT, il-persuni Rom u l-minoranzi reliġjużi fl-oqsma soċjali, ekonomiċi, tax-xogħol u tas-saħħa u biex jiġu intensifikati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' diskors ta' mibegħda u reati vjolenti kontra l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli kollha; jistieden lill-komunitajiet reliġjużi kollha, inkluża l-Knisja Ortodossa Georgjana, u lis-soċjetà ċivili biex jaħdmu ħalli joħolqu klima ta' tolleranza;

21.

Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ aktar is-sistema ta' protezzjoni tat-tfal, inkluż billi tiġi evitata l-vjolenza u l-isfruttament sesswali ta' minorenni; jitlob li titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji diġitali u li jiġi garantit aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd, inklużi t-tfal b'diżabilità; jissottolinja r-responsabbiltà tal-Gvern tal-Georgia li jissorvelja s-sitwazzjoni tat-tfal fl-orfanatrofji;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

22.

Jissottolinja l-importanza li jitnaqqas l-antagoniżmu u l-polarizzazzjoni tal-politika u li tiġi żgurata kooperazzjoni kostruttiva fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, b'mod partikolari fil-Parlament Georgjan; jenfasizza l-ħtieġa, għaldaqstant, li tittejjeb il-klima politika u tinbena l-fiduċja fost l-atturi politiċi u istituzzjonali kollha, kif ukoll bejnhom u l-poplu Georgjan;

23.

Jistieden lill-Parlament tal-Georgia jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet disponibbli għall-Georgia bħala pajjiż ta' prijorità għall-attivitajiet ta' appoġġ tal-Parlament Ewropew għad-demokrazija u biex jinvolvi ruħu fi djalogu ħalli jidentifika l-ħtiġijiet tiegħu;

24.

Jistieden lill-Parlament tal-Georgia jsaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu li jeżerċita mekkaniżmi ta' kontroll parlamentari, b'mod partikolari kontroll fuq is-sistema ta' sigurtà; jinkoraġġixxi rwol akbar għall-oppożizzjoni fil-proċess ta' sorveljanza parlamentari, proċeduri simplifikati għal taħrik ta' membri tal-gvern u uffiċjali responsabbli oħra, u l-istabbiliment ta' sistema ta' reġistrazzjoni ċentralizzata biex tipprovdi informazzjoni f'waqtha u sħiħa dwar il-kontroll parlamentari lill-partijiet interessati kollha;

Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali

25.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Georgia, u tirrappreżenta 27 % tal-kummerċ totali tagħha; jilqa' l-approssimazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia f'oqsma relatati mal-kummerċ; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu u jiġu diversifikati l-esportazzjonijiet tal-Georgia lejn l-UE lil hinn mill-komoditajiet agrikoli u l-materja prima u li jiġu attirati investimenti mill-UE lejn il-Georgia biex jiġu pprovduti aktar impjiegi u jittejbu l-bilanċ kummerċjali tal-Georgia mal-UE u l-istabbiltà makrofinanzjarja, l-ewwel u qabel kollox billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt, jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa u billi tiġi appoġġata l-approssimazzjoni mal-istandards tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jiġi appoġġat ambjent tan-negozju favorevoli għall-intrapriżi reġjonali żgħar u ta' daqs medju sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Georgia li tkompli tagħmel innovazzjonijiet f'setturi ekonomiċi differenti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora kooperazzjoni settorjali aħjar, fl-ekonomija diġitali, fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni, biex is-settur tal-ICT, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ekoloġiċi jsiru aħjar, filwaqt li ssir kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki; jenfasizza l-importanza ta' programmi mmirati għaż-żgħażagħ biex jinħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ġusti;

26.

Ifakkar li l-FA/DCFTA bejn l-UE u l-Georgia għandu l-għan li gradwalment jintegra lill-Georgia fis-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni ssemma' leħinha aktar biex tistabbilixxi mira li tiżgura aċċess għas-suq uniku għall-Georgia u biex issaħħaħ l-inizjattivi mmirati lejn integrazzjoni settorjali aktar profonda bil-ħsieb li tinkiseb aktar konverġenza tal-politika mal-UE u li r-riżultati ta' kooperazzjoni bilaterali jsiru aktar viżibbli u tanġibbli għaż-żewġ naħat;

27.

Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jinfurmaw aktar lill-intraprendituri lokali u lill-media tal-massa dwar l-implimentazzjoni tad-DCFTA;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni ssostni l-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA permezz ta' assistenza kkoordinata, b'enfasi fuq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fuq l-appoġġ għall-SMEs u r-riformi strutturali f'kooperazzjoni man-negozji u s-soċjetà ċivili, inkluż riforma importanti fis-settur bankarju u finanzjarju bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa;

29.

Jissttolinja l-importanza ta' riformi strutturali biex tkompli tissaħħaħ il-klima tal-investiment fil-Georgia, inkluż biex jiġi attirat investiment dirett barrani u tiġi żgurata t-trasparenza tiegħu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jsaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet responsabbli u jżidu l-appoġġ politiku u l-unità għal proġetti ta' infrastruttura b'importanza strateġika;

Kooperazzjoni settorjali

30.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli r-riforma komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol biex jiżgura regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż titjib kontinwu fl-ispezzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li tiġi emendata l-Liġi dwar is-Sikurezza tax-Xogħol biex tiġi stabbilita sistema kompluta ta' spezzjoni u mekkaniżmu xieraq kontra d-diskriminazzjoni ħalli jiġu sorveljati b'mod espliċitu r-rispett sħiħ tad-drittijiet tax-xogħol u jiġi vverifikat b'mod sistematiku kull periklu fuq il-post tax-xogħol, jiġi inkluż mekkaniżmu modern kontra l-korruzzjoni u jiġu ratifikati l-konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti kollha; iħeġġeġ l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions f'dawn ir-riformi fid-dawl tal-importanza tagħhom għad-drittijiet tal-ħaddiema u soċjali fil-Georgia;

31.

Ifakkar li d-DCFTAs iridu dejjem jinkludu kapitoli robusti, vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli b'rispett sħiħ għall-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u jridu jkunu konformi mar-regoli tad-WTO; jinkoraġġixxi li jitħaffu l-implimentazzjoni tat-tielet Programm ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia mal-acquis tal-UE b'rabta mal-ambjent, f'konformità mar-rekwiżiti tal-FA dwar il-protezzjoni ambjentali; jistieden lill-Georgia tkompli ssaħħaħ l-involviment tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Georgia fil-Ftehim Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradixxix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fiha;

32.

Jilqa' dak li nkiseb fil-Qafas ta' Appoġġ Uniku u jħeġġeġ implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-programmi l-ġodda ta' assistenza, li jiffukaw fuq l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni tal-iskart solidu u l-provvista tal-ilma u s-sanità;

33.

Jilqa' l-allokazzjoni mill-Kummissjoni ta' EUR 3,4 biljuni għal 18-il proġett prijoritarju fil-Georgia skont il-pjan ta' azzjoni tal-investiment indikattiv tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); jistieden lill-Georgia ttejjeb is-settur tal-enerġija u l-konnettività tagħha, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà ambjentali, b'mod partikolari l-preservazzjoni tal-bijodiversità u tas-siti protetti, filwaqt li tqis il-komunitajiet lokali matul il-proċess ta' implimentazzjoni;

34.

Jilqa' l-programm il-ġdid tal-edukazzjoni tal-Georgia, ir-rieżami tal-istrateġija 2017-2021 għall-edukazzjoni u x-xjenza, il-Liġi l-ġdida dwar l-Edukazzjoni Vokazzjonali u t-Taħriġ, u l-progress li sar fl-allinjament tal-mekkaniżmu ta' assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni tiegħu mal-FA; jilqa' l-parteċipazzjoni b'suċċess tal-Georgia fl-Erasmus+, li ra kważi 7 500 student u persunal akkademiku fi skambji bejn il-Georgia u l-UE, kif ukoll l-Iskola Ewropea tas-Sħubija tal-Lvant u l-ewwel Skola Ewropea stabbilita mill-UE u mill-Gvern tal-Georgia;

35.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Georgia fi programmi u aġenziji appoġġati mill-UE li huma miftuħa għall-pajjiżi mhux tal-UE, taħt status legalment xieraq;

o

o o

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2018)0457.

(2)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 97.

(3)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 138.

(4)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(5)  ĠU C 294, 12.8.2016, p. 111.

(6)  Rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-ODIHR tat-28 ta' Frar 2019 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Georgia, p. 30.


Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2020

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/47


P9_TA(2020)0224

L-esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2020/2003(INI))

(2021/C 385/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 346(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-manifattura jew il-kummerċ tal-armi, fl-Artikolu 42(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) sabiex tiġi identifikata “politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti”, u fl-Artikolu 21 TUE, b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta' Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (“il-Pożizzjoni Komuni”) li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (1) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2019 dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill,

wara li kkunsidra l-Għoxrin Rapport Annwali mfassal f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni (2),

wara li kkunsidra l-Wieħed u Għoxrin Rapport Annwali mfassal f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/101 tat-22 ta' Jannar 2018 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2191 tad-19 ta' Diċembru 2019 b'appoġġ għal mekkaniżmu ta' rappurtar globali dwar armi konvenzjonali illeċiti u l-munizzjon tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni u trasferiment illeċitu tagħhom (iTrace IV) (6),

wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-17 ta' Frar 2020 (7),

wara li kkunsidra l-Gwida tal-Utent għall-Pożizzjoni Komuni,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Wassenaar tat-12 ta' Mejju 1996 dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni għall-Armi Konvenzjonali u l-Prodotti u t-Teknoloġiji b'Użu Doppju, flimkien mal-listi, aġġornati f'Diċembru 2019, ta' dawn il-prodotti u teknoloġiji u munizzjon,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013 (8), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (9), u d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (10),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (11), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1969 tat-12 ta' Settembru 2016 (12), u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija fl-Anness I tiegħu (“ir-Regolament dwar l-Oġġetti b'Użu Doppju”),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) li għandu l-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (13),

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) (COM(2018)0476),

wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (HR(2018)94),

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-Għan 16 li jippromwovi soċjetajiet ġusti, paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2216 (2015) dwar embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Jemen, u r-Rapport A/HRC/39/43 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta' Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2473(2019) adottata fl-10 ta' Ġunju 2019, li ġġedded il-miżuri maħsuba li jimplimentaw l-embargo fuq l-armi kontra l-Libja, u d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2020 tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) dwar it-tkomplija tal-vjolazzjonijiet tal-embargo fuq l-armi fil-Libja,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1970(2011) li timponi embargo fuq l-armi fuq il-Libja u r-riżoluzzjonijiet kollha sussegwenti tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar din il-kwistjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet 2292 (2016), 2357 (2017), 2420 (2018) u 2473 (2019) dwar l-implimentazzjoni stretta tal-embargo fuq l-armi,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tan-NU tal-2018 “Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament” (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (15),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2019 dwar it-Turkija, li japprovaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-azzjonijiet illegali tagħha fit-Tramuntana tas-Sirja u fil-Lvant tal-Mediterran,

wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 tan-NU, li għandu l-għan li jippromwovi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli (16)

wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-impatt tat-trasferiment tal-armi fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-esportazzjoni tal-armi u l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Novembru 2018 (18), tat-13 ta' Settembru 2017 (19) u tas-17 ta' Diċembru 2015 (20),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen tal-25 ta' Frar 2016 (22), il-15 ta' Ġunju 2017 (23) u t-30 ta' Novembru 2017 (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati (25),

wara li kkunsidra l-workshop bit-titlu “The implementation of the EU arms export control system” (L-implimentazzjoni tas-sistema tal-kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi tal-UE) li sar fil-laqgħa tas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża fit-12 ta' April 2017,

wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu “Recommendations for a transparent and detailed reporting system on arms exports within the EU and to third countries” (Rakkomandazzjonijiet għal sistema ta' rappurtar trasparenti u ddettaljata dwar l-esportazzjoni tal-armi fl-UE u lejn pajjiżi terzi) ikkummissjonat mis-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,

wara li kkunsidra t-Trattat bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar il-Kooperazzjoni u l-Integrazzjoni bejn Franza u l-Ġermanja tat-22 ta' Jannar 2019 (Trattat ta' Aachen bejn Franza u l-Ġermanja),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-21 ta' Awwissu 2013 dwar l-Eġittu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0137/2020),

A.

billi l-aktar ċifri reċenti SIPRI (26) juru li l-esportazzjonijiet tal-armi mill-UE-28 kienu jammontaw għal madwar 26 % mit-total globali ta' bejn l-2015 u l-2019, li jagħmlu lill-UE-28, b'mod kollettiv, it-tieni l-akbar fornitur tal-armi fid-dinja wara l-Istati Uniti (36 %) u segwiti mir-Russja (21 %); billi skont l-Artikolu 346 TUE, il-manifattura tal-armi jew il-kummerċ tagħhom jibqgħu f'idejn l-Istati Membri;

B.

billi l-aktar ċifri reċenti SIPRI jindikaw li l-UE-28 huma t-tieni l-akbar esportaturi tal-armi kemm lejn l-Arabja Sawdija kif ukoll lejn l-Emirati Għarab Magħquda (UAE); billi skont il-Grupp ta' Esperti Eminenti Reġjonali u Internazzjonali tan-NU, il-partijiet għall-konflitt armat fil-Jemen wettqu, u għadhom qegħdin iwettqu, reati bi ksur tad-dritt internazzjonali;

C.

billi l-esportazzjonijiet tal-armi, ta' armi u ta' tagħmir isaħħu l-kapaċità tal-industrija tad-difiża li tirriċerka b'mod effiċjenti u tiżviluppa teknoloġiji difensivi, u b'hekk tiżgura l-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE li jiddefendu lilhom infushom u li jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom;

D.

billi qed tikber tellieqa ġdida għall-armi fid-dinja u billi s-setgħat militari ewlenin m'għadhomx jiddependu fuq il-kontroll tal-armi u d-diżarm biex inaqqsu t-tensjonijiet internazzjonali u jtejbu l-ambjent tas-sigurtà globali;

E.

billi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 tirrappreżenta strument essenzjali għal kooperazzjoni msaħħa u għal allinjament eqreb tal-politiki ta' esportazzjoni tal-Istati Membri;

F.

billi l-Istati Membri jirrikonoxxu r-responsabbiltà speċjali li tista' tirriżulta mill-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari lejn stati terzi biex jiġu influwenzati jew aggravati t-tensjonijiet u l-konflitti eżistenti;

G.

billi l-kriżi globali kaġun tal-pandemija tal-COVID-19 jista' jkollha riperkussjonijiet ġeostrateġiċi sinifikanti u tkompli turi l-ħtieġa li tinbena awtonomija strateġika Ewropea ġenwina;

H.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjaraw li l-“Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jeżaminaw mill-ġdid l-assistenza ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu”; billi kumpaniji bbażati f'diversi Stati Membri tal-UE komplew jesportaw armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor tas-sigurtà lejn l-Eġittu, u b'hekk iffaċilitaw il-hacking u l-malware kif ukoll forom oħra ta' attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili kemm fiżikament kif ukoll online; billi din l-attività wasslet għar-repressjoni tal-libertà tal-espressjoni online;

I.

billi f'dinja multipolari dejjem aktar instabbli b'żieda fil-forzi nazzjonalisti, ksenofobiċi u antidemokratiċi, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea ssir attur influwenti fix-xena dinjija u żżomm ir-rwol ewlieni tagħha ta' “setgħa ta' persważjoni” globali, impenjata favur id-diżarm kemm fir-rigward tal-armi konvenzjonali u tal-armi nukleari, u li tinvesti fil-prevenzjoni tal-konflitti, fil-ġestjoni tal-kriżijiet u fil-medjazzjoni qabel ma jiġu kkunsidrati l-għażliet militari;

J.

billi l-esportazzjonijiet tal-armi huma essenzjali għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tal-industrija tad-difiża Ewropea, li primarjament hija impenjata biex tiżgura l-protezzjoni u s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE filwaqt li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-PESK;

K.

billi d-diverġenza fl-imġiba tal-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri xi kultant qed iddgħajjef il-kapaċità tal-UE li tikseb l-objettivi tal-politika barranija tagħha, kif ukoll timmina l-kredibbiltà tagħha bħala attur li jitkellem b'vuċi waħda fl-arena internazzjonali;

L.

billi kemm l-ambjent ta' sigurtà globali kif ukoll dak reġjonali nbidlu b'mod drammatiku, speċjalment fir-rigward tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni;

M.

billi l-miżuri ta' trasparenza militari bħar-rappurtar dwar l-esportazzjonijiet tal-armi jikkontribwixxu għall-bini ta' fiduċja transfruntiera;

L-20 u l-21 rapport annwali dwar l-esportazzjoni tal-armi

1.

Jissottolinja li ż-żamma ta' industrija tad-difiża sservi bħala parti mill-awtodifiża tal-Unjoni u hija komponent tal-awtonomija strateġika tagħha; jinnota li dan huwa possibbli biss jekk l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-prodotti Ewropej fil-programmi ta' tagħmir tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li suq Ewropew vijabbli jnaqqas id-dipendenza fuq l-esportazzjonijiet tal-armi lejn pajjiżi terzi;

2.

Jinnota li l-pożizzjoni komuni tipprevedi proċedura ta' trasparenza li tinvolvi l-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali tal-UE dwar l-esportazzjonijiet tal-armi; jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni tal-20 u tal-21 rapport, f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, miġbura mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM) u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, anke jekk b'dewmien; jemmen li l-pubblikazzjoni taż-żewġ rapporti tirrappreżenta pass 'il quddiem lejn pożizzjoni komuni tal-UE fil-qasam tal-esportazzjonijiet tal-armi, fil-qafas ta' kuntest internazzjonali dejjem aktar ta' sfida kkaratterizzat minn żieda fil-volumi tal-esportazzjonijiet u t-tnaqqis fil-livelli ta' trasparenza; iqis iż-żewġ rapporti bħala valur komplementari għar-rapporti tan-NU dwar it-trasparenza globali u reġjonali dwar l-esportazzjoni tal-armi;

3.

Jinnota l-isforzi tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-Artikolu 346(1)(b) tat-TFUE dwar il-manifattura tal-armi jew il-kummerċ tagħhom;

4.

Jinnota li 19-il Stat Membru għamlu sottomissjonijiet kompluti għall-20 rapport annwali, u 19 għall-21 rapport annwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom, kif stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni fi żmien ta' tnaqqis fit-trasparenza globali fil-kummerċ tal-armi, speċjalment min-naħa ta' diversi pajjiżi ewlenin esportaturi tal-armi; jissottolinja li s-sottomissjoni sħiħa għandha l-għan li jiġu sottomessi l-kwantità u l-valur totali kemm tal-liċenzji mogħtija kif ukoll tal-esportazzjonijiet attwali, imqassma skont il-pajjiż ta' destinazzjoni u l-kategorija tal-Lista Militari; jinnota li għall-20 rapport annwali 27 Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Greċja, għamlu tal-inqas sottomissjonijiet parzjali, u għall-21 rapport annwali kull wieħed mit-28 Stat Membru ppreżentaw data, filwaqt li madwar terz tas-sottomissjonijiet tagħhom ma kinux kompluti; jilqa' pożittivament madankollu, l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-gvernijiet permezz tar-rapporti nazzjonali; itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux sottomissjonijiet sħaħ jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward l-esportazzjonijiet tagħhom tal-passat fid-dawl tar-rapport annwali li jmiss;

5.

Jinsab imħasseb li l-Istati Membri jużaw informazzjoni differenti ħafna sabiex jiġġeneraw data dwar il-valur tal-liċenzji, u jikkumplikaw il-kapaċità li tintuża data konsistenti u komparattiva b'mod effettiv; jisħaq fuq il-fatt li l-importanza tar-rappurtar dwar l-esportazzjonijiet reali tal-armi, inkluż il-valur u l-kwantità totali tagħhom, skont liċenzji globali u ġenerali mqassma skont il-kategoriji tal-Lista Militari u skont il-pajjiż ta' destinazzjoni;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koordinazzjoni tagħhom u jiddefinixxu l-aħjar prattiki komuni għall-ġbir u l-ipproċessar ta' informazzjoni u data, sabiex jipproduċu aktar rapporti annwali armonizzati biex b'hekk jitjiebu t-trasparenza u l-utilità tar-rapporti;

7.

Jinnota li l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, reġjun fejn hemm diversi konflitti armati, għadhom l-ewwel destinazzjoni reġjonali għall-esportazzjonijiet skont l-aħħar żewġ rapporti annwali; jinnota li dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw sfidi ta' sigurtà sinifikanti u kontinwi u li l-esportazzjonijiet kollha għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta' każ b'każ fil-konfront tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni;

8.

Jappoġġa l-impenn tal-Kunsill li jsaħħaħ il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u ta' tagħmir militari; jinnota r-rieda tal-Istati Membri li jsaħħu l-kooperazzjoni u jippromwovu l-konverġenza f'dan il-qasam fil-qafas tal-PESK; jilqa' pożittivament dawn l-isforzi għaliex jikkonformaw mal-objettivi ġenerali tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE u tal-prijoritajiet reġjonali stabbiliti fl-Istrateġija Globali tal-UE (2016); f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jsostnu standards komuni ta' ġestjoni tat-trasferimenti ta' teknoloġija u tagħmir militari;

9.

Ifakkar li l-UE qed timplimenta għadd ta' embargos fuq l-armi, inklużi l-embargos kollha tan-NU, f'konformità mal-objettivi tal-PESK, f'pajjiżi bħall-Belarussja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iċ-Ċina, l-Iran, il-Libja, il-Myanmar, il-Korea ta' Fuq, il-Federazzjoni Russa, is-Somalja, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan, is-Sirja, il-Venezwela, il-Jemen u ż-Żimbabwe; jinnota li billi dawn l-embargos jistgħu jċaħħdu lil pajjiż minn riżorsi militari, f'xi każijiet jikkontribwixxu għall-paċi u l-istabbiltà reġjonali; jinnota li dawn l-embargos jiżguraw li l-UE ma tikkontribwixxix għal kriżijiet umanitarji, għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għall-atroċitajiet; jistieden lill-UE tgħin fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jiġu implimentati proċeduri qawwija għall-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati Membri kollha mal-embargos tal-armi tal-UE, u biex tagħmel pubbliċi s-sejbiet rilevanti (27);

10.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tal-4 ta' Ottubru 2018; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jibqgħux ibigħu l-armi u kwalunkwe tagħmir militari lill-Arabja Sawdija, lill-Emirati Għarab Magħquda u lil kwalunkwe membru tal-koalizzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-Gvern Jemenit u lil partijiet oħra fil-konflitt;

11.

Jilqa' pożittivament id-deċiżjonijiet tal-gvernijiet tal-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, u n-Netherlands li jadottaw restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-armi tagħhom lejn pajjiżi li huma membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija involuti fil-gwerra fil-Jemen; jinnota li f'xi każijiet, kif irrappurtat mill-NGOs, l-armi esportati lejn dawk il-pajjiżi ntużaw fil-Jemen, fejn 22 miljun persuna jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja u protezzjoni; ifakkar li dawn l-esportazzjonijiet jiksru biċ-ċar il-Pożizzjoni Komuni; jinnota l-estensjoni mġedda tal-moratorju fuq l-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija min-naħa tal-Ġermanja sal-aħħar tal-2020, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta' diversi Stati Membri li jinfurzaw restrizzjonijiet sħaħ; ifakkar li bejn il-25 ta' Frar 2016 u l-14 ta' Frar 2019, il-Parlament, permezz ta' riżoluzzjonijiet plenarji, talab tal-inqas għaxar darbiet lill-VP/RGħ biex ivara proċess li jwassal għal embargo tal-armi tal-UE fuq l-Arabja Sawdija, inkluż fl-2018 ukoll fir-rigward ta' membri oħra tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen; għal darb' oħra jtenni din it-talba;

12.

Jistieden lill-Istati Membri jsegwu l-eżempju tal-Ġermanja, il-Finlandja u d-Danimarka, li, wara l-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi, adottaw restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-armi tagħhom lejn l-Arabja Sawdija;

13.

Itenni l-istediniet tiegħu lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 li jħabbru s-sospensjoni tal-liċenzji tal-esportazzjoni għal kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u jikkundanna n-nuqqas ta' konformità persistenti tal-Istati Membri ma' dawn l-impenji; jistieden lill-Istati Membri għaldaqstant, iwaqqfu l-esportazzjonijiet lejn l-Eġittu, ta' armi, teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor ta' sigurtà li jistgħu jiffaċilitaw l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż fuq il-midja soċjali, kif ukoll kwalunkwe tip ieħor ta' repressjoni interna; jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE mal-Eġittu; jitlob lill-UE timplimenta bis-sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għar-repressjoni, għat-tortura jew għall-piena kapitali;

14.

Itenni s-sejħiet reċenti tiegħu biex jintemmu l-esportazzjonijiet ta' teknoloġija ta' sorveljanza u tagħmir ieħor li jista' jiffaċilita r-repressjoni interna, lil diversi pajjiżi inklużi l-Eġittu, il-Bahrain, l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam;

15.

Jinnota li l-UE twettaq missjonijiet fil-qafas tal-PSDK, inkluża missjoni ta' infurzar ta' embargo tal-armi fil-Libja, bil-għan li ssaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà reġjonali; jiddispjaċih ħafna għall-ksur sfaċċat tal-embargo tal-armi fil-Libja, anke wara l-impenji li saru f'dan ir-rigward mill-pajjiżi kkonċernati waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja li saret f'Berlin fid-19 ta' Jannar 2020; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu it-trasferimenti kollha tal-armi, tagħmir ta' sorveljanza u ta' intelligence u ta' materjal għall-partijiet kollha involuti fil-konflitt Libjan;

16.

Jilqa' pożittivament l-objettiv tal-Operazzjoni IRINI dwar l-implimentazzjoni stretta tal-embargo fuq l-armi tan-NU permezz tal-użu ta' assi tal-ajru, tas-satellita u marittimi billi twettaq spezzjonijiet ta' bastimenti fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja li huma suspettati li qed iġorru armi jew materjal relatat lejn u mil-Libja, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2292 (2016), 2357 (2017), 2420 (2018) u 2473 (2019);

17.

Jikkundanna bil-qawwa l-iffirmar taż-żewġ Memoranda ta' Ftehim bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi u dwar is-sigurtà komprensiva u l-kooperazzjoni militari, li huma interkonnessi u li jirrappreżentaw ksur ċar kemm tad-dritt internazzjonali kif ukoll tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li timponi embargo tal-armi fuq il-Libja; ifakkar id-deċiżjoni meħuda minn xi Stati Membri biex jitwaqqaf il-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija; ifakkar li l-Istati Membri ħadu impenn favur pożizzjonijiet nazzjonali qawwija rigward il-politika tagħhom għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija abbażi tad-dispożizzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, inkluża l-applikazzjoni stretta tal-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; jistieden lill-VP/RGħ sabiex, sakemm it-Turkija tkompli bl-azzjonijiet unilaterali illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran, liema azzjonijiet jmorru kontra s-sovranità ta' kwalunkwe Stat Membru (partikolarment tal-Greċja u Ċipru) u d-dritt internazzjonali, u sakemm tibqa' ma tipparteċipax fi djalogu bbażat fuq id-dritt internazzjonali, jintroduċi inizjattiva fil-Kunsill biex l-Istati Membri kollha tal-UE jieqfu milli joħorġu liċenzji għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni; jappella lill-fora rilevanti fi ħdan in-NATO, u speċjalment lit-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali, biex jiddiskutu b'urġenza l-kontroll tal-armi fil-Lvant tal-Mediterran.

18.

Jistieden lill-Istati Membri biex, fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni, jagħtu aktar attenzjoni lill-oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari;

19.

Jinnota li ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta' sanzjoni fis-seħħ jekk Stat Membru jinvolvi ruħu f'esportazzjonijiet li, b'mod ċar, mhumiex kompatibbli mat-tmien kriterji;

Ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni min-naħa tal-Kunsill

20.

Jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-Kunsill li jżid il-konverġenza u t-trasparenza, bħala l-objettivi prinċipali tal-aħħar rieżami tiegħu tal-Pożizzjoni Komuni, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni u d-dikjarazzjoni tagħhom li “t-tisħiħ ta' bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea għandu jkun akkumpanjat minn kooperazzjoni u konverġenza aktar mill-qrib fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari” (28);

21.

Jilqa' pożittivament l-impenn imġedded tal-Istati Membri għall-Pożizzjoni Komuni legalment vinkolanti kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 u jisħaq fuq l-importanza li titwettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għal liċenzja tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari skont il-kriterji stipulati fiha; jirrimarka li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 u l-konklużjonijiet rilevanti tas-16 ta' Settembru 2019 jirriflettu sensibilizzazzjoni dejjem akbar fost l-Istati Membri dwar il-ħtieġa għal aktar trasparenza u konverġenza nazzjonali u fl-UE kollha fil-qasam tal-esportazzjoni tal-armi u l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza pubblika f'dan il-qasam sensittiv ta' sigurtà nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet għandhom il-potenzjal li jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jingħataw informazzjoni aħjar dwar l-għażliet strateġiċi magħmula mill-gvernijiet tagħhom f'qasam li jaffettwa b'mod dirett is-sigurtà tagħhom u l-konformità tal-pajjiżi tagħhom mal-valuri u n-normi;

22.

Jinsab imħasseb dwar it-tellieqa tal-armi dejjem akbar fid-dinja; ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li ssir attur globali favur il-paċi; għalhekk jistieden lill-UE twettaq rwol attiv fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni tal-armi u d-diżarm globali; jilqa' pożittivament il-fatt li l-aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni jikkunsidra l-iżviluppi rilevanti f'dan ir-rigward, bħall-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA), li l-Istati Membri kollha partijiet tiegħu; jilqa' pożittivament l-attivitajiet tal-UE li għandhom l-għan li jappoġġaw l-universalizzazzjoni tat-TKA, b'mod partikolari l-assistenza lil pajjiżi terzi fit-titjib u l-implimentazzjoni ta' sistemi effettivi ta' kontroll tal-armi f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni; jistieden lill-pajjiżi esportaturi tal-armi ewlenin, bħalma huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja, biex jiffirmaw u jirratifikaw it-TKA;

23.

Jappoġġa l-fatt li l--Kunsill jafferma mill-ġdid li t-tagħmir u t-teknoloġija militari għandhom jiġu nnegozjati b'mod responsabbli u li jista' jingħata rendikont dwaru; jilqa' pożittivament l-impenn imġedded tal-Kunsill biex ikompli jippromwovi l-kooperazzjoni u l-konverġenza fil-politiki tal-Istati Membri bil-għan li jipprevjeni l-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna jew għal aggressjoni internazzjonali jew jikkontribwixxu għal instabbiltà reġjonali;

24.

Jinnota bi tħassib li d-diverġenzi dejjem akbar bejn il-politiki u l-prattiki dwar l-esportazzjoni tal-armi tal-Istati Membri jnaqqsu gradwalment il-konverġenza tar-regoli tal-UE f'dan il-qasam; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu introdotti strumenti ġodda; jinnota li azzjonijiet futuri ffinanzjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża se jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' teknoloġiji u tagħmir militari ġodda;

25.

Jinnota f'dan ir-rigward li l-Kunsill jirrikonoxxi l-importanza ta' politika ta' kontroll tal-esportazzjoni konsistenti rigward materjali relatati mad-difiża u oġġetti b'użu doppju; jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi kriterji u linji gwida ċari rigward l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti;

26.

Jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' miżuri konkreti maħsuba biex jiffaċilitaw ir-rappurtar korrett, koerenti u f'waqtu tal-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Membri; jappoġġa b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kunsill li jintroduċi skadenza ċara ta' rappurtar għal sottomissjonijiet nazzjonali, standards ċari għall-format tar-rapport, u aktar linji gwida dwar is-sustanza u l-proċess ta' rappurtar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissottomettu d-data tagħhom mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn Mejju wara s-sena ta' rappurtar sabiex ikun jista' jsir dibattitu pubbliku f'waqtu; jilqa' pożittivament il-passi li ttieħdu lejn l-approċċ online u jħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tiegħu; jilqa' pożittivament ukoll l-appoġġ tal-Kunsill għal linji gwida ċari dwar il-kondiviżjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi tagħhom; jilqa' pożittivament il-passi li ttieħdu lejn l-approċċ diġitali permezz tas-Sistema Online COARM, u jħeġġeġ l-espansjoni ulterjuri tagħha;

Iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-manifattura tal-armi

27.

Jinnota li minn mindu ġiet adottata l-Pożizzjoni Komuni legalment vinkolanti fl-2008, l-Istati Membri żiedu l-monitoraġġ tagħhom tal-esportazzjonijiet tal-armi; jinnota wkoll li għadd dejjem akbar ta' sistemi ta' armi prodotti fl-Ewropa huma magħmula minn komponenti minn diversi Stati Membri tal-UE u jinvolvu kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali għal raġunijiet teknoloġiċi, industrijali u politiċi; jissottolinja r-rwol pożittiv ta' din it-tip ta' kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-bini ta' fiduċja fost l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi;

28.

Jisħaq fuq il-fatt li l-ambizzjoni li tiżdied il-kompetittività tas-settur ta' difiża Ewropea ma għandhiex iddgħajjef l-applikazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni peress li jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe interess ekonomiku soċjali, kummerċjali jew industrijali tal-Istati Membri;

29.

Jinnota żieda fit-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, li jippermetti lil pajjiżi terzi jwettqu manifattura liċenzjata ta' teknoloġija militari Ewropea; jemmen li dan il-proċess m'għandux jillimita l-kapaċità tal-UE li tikkontrolla l-armi, il-manifattura ta' armi u tagħmir militari, iżda għandu, minflok, irawwem il-konverġenza tal-istandards ta' sorveljanza pubblika u ta' trasparenza fil-manifattura tad-difiża u jaċċellera l-ħolqien ta' regoli rikonoxxuti internazzjonalment u rispettati, dwar il-manifattura u l-esportazzjoni tal-armi;

30.

Jinnota li numru dejjem akbar ta' komponenti f'sistemi tal-armi huma ta' oriġini ċivili jew ta' natura ta' użu doppju; għalhekk iqis li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema koerenti ta' kontroll tat-trasferiment għal dawn il-komponenti fost l-Istati Membri kollha;

31.

Jinnota li l-Istati Membri ma tawx deskrizzjoni ta' politika komuni li tirregola t-trasferiment tal-komponenti tal-armi lejn Stat Membru ieħor li tiżgura li kwalunkwe esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mill-Istat Membru tal-assemblaġġ tkun konsistenti mal-politika tal-esportazzjoni tal-Istat Membru li jipprovdi l-komponenti; jinnota li xi Stati Membri għadhom iqisu t-trasferimenti intra-UE ta' armi u ta' prodotti relatati mad-difiża bħala simili għall-operazzjonijiet ta' esportazzjoni lejn pajjiżi terzi; iqis dan il-fatt bħala wieħed partikolarment ta' sfida fil-kuntest tad-diverġenzi dejjem akbar bejn il-prattiki tal-liċenzjar madwar l-UE; josserva li d-Direttiva 2009/43/KE dwar it-trasferimenti intra-Komunitarji, fil-forma kurrenti tagħha, mhijiex imfassla biex tikseb l-ogħla standards komuni għall-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi lejn pajjiżi terzi filwaqt li tiffaċilita t-trasferimenti fis-suq Ewropew tal-armamenti;

32.

Jinnota li l-ewwel tentattiv biex jiġu rregolati t-trasferimenti intra-Ewropej kien il-ftehim ta' armonizzazzjoni Schmidt-Debré bejn Franza u l-Ġermanja permezz tar-regola “de minimis”; jinnota, f'dan ir-rigward, il-Ftehim bejn Franza u l-Ġermanja dwar il-kontrolli tal-esportazzjonijiet fis-settur tad-difiża;

33.

Josserva li l-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi ta' kull Stat Membru jistgħu jfixklu l-proġetti ta' kooperazzjoni; jinnota li dawn id-diverġenzi jistgħu jwasslu għal ftehimiet bilaterali u speċifiċi dwar sistemi tal-armi li, f'xi każijiet, jippermettu l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi abbażi tal-istandards l-inqas restrittivi, aktar milli fuq approċċ konġunt mifrux mal-UE kollha; ifakkar li l-għan tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-esportazzjonijiet tal-armi kien u jibqa' li jiġu evitati diverġenzi simili u li tiġi stabbilita politika komuni koerenti rigward l-esportazzjoni tal-armi; jinnota r-rabta bejn id-diverġenzi fil-politiki tal-esportazzjoni u d-diffikultajiet ta' kooperazzjoni intra-UE, il-frammentazzjoni persistenti tas-suq intern rigward prodotti relatati mad-difiża, u l-eżistenza ta' duplikazzjonijiet industrijali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jipprovdu livell ta' finanzjament xieraq li jippermetti t-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq u l-konsolidazzjoni industrijali filwaqt li jiżguraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom il-kapaċitajiet militari li jeħtieġu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttivi 2009/81/KE u 2009/43/KE, inklużi l-azzjonijiet ta' infurzar fir-rigward tal-akkwist pubbliku;

34.

Jinnota li l-kooperazzjoni bilaterali dwar proġetti industrijali relatati mad-difiża bejn l-Istati Membri twassal għal ftehimiet ta' kontroll tal-esportazzjoni li jistgħu jipprovdu punt ta' tluq għall-UE kollha kemm hi;

35.

Jisħaq fuq il-fatt li l-ftehimiet bilaterali u multilaterali għandhom iwittu t-triq lejn konverġenza u armonizzazzjoni mtejba tal-politiki tal-esportazzjoni fil-livell tal-UE minħabba li n-nuqqas ta' konverġenza u trasparenza fid-deċiżjonijiet dwar l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jista' jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-UE li titkellem b'vuċi waħda u tkun influwenti fix-xena internazzjonali, rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u l-paċi u l-istabbiltà reġjonali; jinnota t-tħassib li din id-diverġenza għandha l-potenzjal li tiġġenera distorsjonijiet fis-suq u xxekkel l-ippjanar strateġiku industrijali, l-ekonomiji ta' skala u l-assigurazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi;

L-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi

36.

Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' tagħmir xieraq huwa mezz importanti li jirfed il-pedamenti industrijali u teknoloġiċi tas-settur Ewropew tad-difiża; jinnota li l-inizjattivi tal-UE bħall-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (PADR), il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), kif ukoll il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), leġiżlazzjoni bħad-direttivi dwar it-trasferimenti intra-Komunitarji u l-akkwist fil-qasam tad-difiża tal-2009, u l-ħolqien ta' kapaċitajiet amministrattivi bħad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju (DĠ DEFIS) qed jgħinu ft-tisħiħ tal-kooperazzjoni għal skopijiet ta' manifattura tal-armi u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-livell Ewropew; jemmen li t-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea għandu jiġi akkumpanjat minn kooperazzjoni aktar mill-qrib u konverġenza fil-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, partikolarment bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-PESK u tal-PSDK;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jegħlbu n-nuqqas attwali ta' effiċjenza fl-infiq għad-difiża minħabba d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' interoperabbiltà, u biex ikollhom l-għan li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà, anke permezz ta' kontroll aħjar tal-esportazzjoni tal-armi;

38.

Jinnota li diversi Stati Membri esprimew il-ħsieb tagħhom li jiżviluppaw b'mod konġunt is-sistemi tal-armi ewlenin bħal tankijiet tal-gwerra, ajruplani tal-ġlied u droni armati;

39.

Jissottolinja li l-ftehim interistituzzjonali provviżorju dwar l-istabbiliment tal-EDF jawtorizza lill-Kummissjoni tevalwa jekk it-trasferiment tas-sjieda jew l-għoti ta' liċenzja esklużiva ta' teknoloġija militari kofinanzjata mill-EDF imurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-objettivi tal-fond kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-regolament propost; jinnota li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, kompitu ta' sorveljanza ċivili għall-Kummissjoni rigward kategorija speċifika ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija militari lejn pajjiżi terzi, biex b'hekk tkompli ssaħħaħ it-trasparenza u jitnaqqas ir-riskju ta' użu ħażin tal-fondi tal-UE, madankollu mingħajr ma tiġi preġudikata l-kompetenza tal-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri li joħorġu liċenzji tal-esportazzjoni;

40.

Jinnota li l-impenji internazzjonali magħmula mis-sħab Ewropej jestendu għall-forniment ta' informazzjoni dwar l-iskemi ta' kontroll nazzjonali u t-trasferimenti tal-armi tagħhom; jinnota li skont l-EPF, l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu tagħmir militari lil pajjiżi terzi, li jirrikjedi monitoraġġ fil-livell tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li fil-kuntest tal-EPF, strument ġdid fil-livell tal-UE jista' potenzjalment joffri valutazzjoni tar-riskju konġunta qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni rigward trasferiment ta' armi u munizzjon lejn pajjiżi terzi fil-kuntest tal-pilastru tal-bini tal-kapaċità militari tal-EPF, jivvaluta miżuri individwali kontra t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, u jistabbilixxi salvagwardji u sanzjonijiet possibbli b'rabta mal-utent finali;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' droni; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jipprojbixxi l-iżvilupp, il-manifattura u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent tal-bniedem;

42.

Jirrimarka li r-riċerka u l-iżvilupp dwar l-armi, it-tagħmir għall-armi u d-difiża huma importanti biex jiġu żgurati l-mezzi biex l-Istati Membri jiddefendu lilhom infushom u biex l-industriji tad-difiża jiksbu avvanz teknoloġiku;

L-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi

43.

Jinnota n-nuqqas ta' konverġenza tal-politiki nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-kuntest tal-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi, u tal-ambizzjonijiet u l-pjanijiet dikjarati biex din tiġi żviluppata aktar; jinnota li n-nuqqas ta' konverġenza tar-riskji nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi jirriskja li jinħolqu distorsjonijiet tas-suq u ostakli relatati addizzjonali għall-ippjanar strateġiku ta' kumpaniji u ta' forzi armati rilevanti, u se jirrikjedi konverġenza progressiva ta' politiki nazzjonali dwar l-esportazzjoni tal-armi u t-teħid ta' deċiżjonijiet; ifakkar fl-importanza li l-Istati Membri jiġu involuti f'tali proċess; jiddispjaċih għad-diverġenzi kurrenti bejn il-politiki nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Istati Membri; jistieden lill-Kunsill ikompli bl-isforzi tiegħu favur il-konverġenza tal-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi u t-teħid ta' deċiżjonijiet;

44.

Jissuġġerixxi li l-esportazzjonijiet ta' prodotti ffinanzjati fl-ambitu tal-EDIDP u/jew il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) għandhom jiġu elenkati b'mod separat fid-data ppreżentata lill-COARM, bil-għan jiġi żgurat il-monitoraġġ mill-qrib ta' dawk il-prodotti li ġew iffinanzjati mill-baġit Ewropew u l-applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni għall-prodotti ffinanzjati fl-ambitu tal-EDIDP u l-EDF;

45.

Jilqa' pożittivament it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża tal-UE fil-qafas tal-PSDK; jemmen li l-importanza dejjem akbar tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi jeħtieġ li timxi id f'id ma' trasparenza akbar; jemmen li għad hemm lok għal titjib f'dan il-qasam, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u l-uniformità tad-data ppreżentata mill-Istati Membri; huwa tal-fehma li d-definizzjoni ta' “Politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti” kif prevista fl-Artikolu 42(3) tat-TUE teħtieġ li tkun konformi mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; jemmen li konverġenza akbar ta' regoli u ta' standards komuni ta' trasparenza fl-esportazzjonijiet u t-teknoloġija tal-armi trawwem il-bini ta' fiduċja fost l-Istati Membri u s-sħab ta' pajjiżi terzi; jilqa' pożittivament l-isforzi tal-COARM, partikolarment il-gwida għall-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni mill-Istati Membri f'termini ta' kooperazzjoni, koordinazzjoni u konverġenza; jinnota li s-sistema ta' skambju ta' informazzjoni COARM u l-gwida għall-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni huma għodod utli ta' kuljum għall-awtoritajiet ta' kontroll; jissottolinja l-isforzi tal-Istati Membri biex jappoġġaw il-ħidma tal-COARM fil-promozzjoni tal-iskambji tal-aħjar prattiki; jirrakkomanda lil COARM:

a)

iżid il-kategoriji addizzjonali li ġejjin f'mudell ta' rappurtar rivedut, bil-qbil mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment, sabiex jiġu implimentati l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill ta' Settembru 2019: it-tip eżatt ta' arma u l-kwantità esportata, id-denominazzjoni tal-munizzjon, id-daqs tal-lott u l-utent aħħari speċifiku, il-liċenzji revokati, u l-valur u t-tul ta' żmien tal-kuntratti rigward servizzi ta' wara l-kunsinna bħat-taħriġ u l-manutenzjoni; jallinja d-definizzjoni tal-UE dwar armi żgħar mad-definizzjoni usa' tan-NU;

b)

jiżviluppa definizzjonijiet rikonoxxuti mill-UE u internazzjonalment bħal valur liċenzjat u esportazzjonijiet kurrenti, bil-għan li jiffaċilita l-komparabbiltà tad-data bejn l-Istati Membri;

46.

Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li r-rapport annwali jinbidel f'bażi tad-data online interattiva, affidabbli u li jista' jsir tiftix fiha, u jistenna li din tiġi stabbilita u tkun operattiva qabel il-pubblikazzjoni tad-data dwar l-esportazzjoni għall-2019; jistieden lis-SEAE jinforma lill-Parlament dwar id-data preċiża li fiha din il-bażi tad-data se tkun online; iħeġġeġ lil COARM biex japplika soluzzjoni li tkun faċli għall-utent u aċċessibbli b'mod faċli miċ-ċittadini Ewropej u s-soċjetà ċivili, u li tippermetti li d-data tiġi esportata f'format sikur u strutturat;

47.

Jistieden lil COARM ikompli bl-isforzi tiegħu biex jintroduċi ċentru ta' notifika u skambju għall-Istati Membri biex jikkondividu informazzjoni dwar il-politika dwar l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi u d-deċiżjonijiet tagħhom biex jirrifjutaw l-applikazzjonijiet għal-liċenzji meħtieġa; jistieden barra minn hekk lil COARM biex, kif iddikjarat fl-Artikolu 7 tal-Pożizzjoni Komuni, jaħdem favur skambju mtejjeb ta' “informazzjoni rilevanti, inkluż informazzjoni dwar l-avviżi ta' rifjut u l-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi” u “miżuri [oħra] biex tkompli tiżdied il-konverġenza”; jipproponi għalhekk li jiġu skambjati l-valutazzjonijiet nazzjonali u li ssir ħidma lejn valutazzjoni konġunta tas-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi jew tad-destinatarji potenzjali tal-esportazzjoni fid-dawl tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni fil-qafas tal-PESK u f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati esterni, inkluż il-Parlament; jitlob li l-lista ta' pajjiżi terzi li jikkonformaw mal-kriterji kif stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni tiġi aġġornata regolarment;

48.

Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jipproponu evalwazzjonijiet bejn il-pari bil-għan li jħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali jaqsmu l-aħjar prattiki dwar il-ġbir u l-ipproċessar tad-data, irawmu fehim aħjar tal-approċċi nazzjonali differenti, jidentifikaw id-differenzi fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tmien kriterji, u jiddiskutu modi u mezzi biex jitjiebu l-armonizzazzjoni, il-konsistenza u l-konverġenza fost l-Istati Membri;

49.

Jemmen bil-qawwa li huwa essenzjali li jkun hemm implimentazzjoni aktar konsistenti tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE, għal raġunijiet ta' kredibbiltà tal-UE bħala attur globali bbażat fuq il-valur, u li livell ogħla ta' konverġenza fir-rigward tal-applikazzjoni sħiħa tal-kriterji jiżgura b'mod aktar effettiv ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali mill-partijiet kollha involuti fil-kummerċ tal-armi, jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, u jsaħħaħ l-interessi tas-sigurtà strateġika u l-awtonomija strateġika tal-UE; jemmen li dan se jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-PESK;

50.

Iqis li l-liċenzji ta' manifattura f'pajjiżi terzi ma għandhomx jibqgħu jingħataw jekk dan iwassal li jkunu jistgħu jiġu evitati t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jew direttivi oħra tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi;

51.

Jisħaq fuq il-fatt li kontrolli effettivi tal-użu aħħari jwasslu għal politika dwar l-esportazzjoni aktar responsabbli u b'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fir-riskju ta' devjazzjoni; jilqa' pożittivament f'dan ir-rigward, il-proġett iTrace ffinanzjat mill-UE u jappoġġa t-tkomplija tiegħu, u jirrakkomanda l-użu ta' għodda simili biex jiġu traċċati l-esportazzjonijiet tal-armi legali mill-Istati Membri tal-UE lejn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lis-SEAE jistabbilixxu programm ta' taħriġ komprensiv u ta' bini ta' kapaċità għal uffiċjali nazzjonali u tal-UE b'rabta mal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi b'enfasi qawwija fuq il-bini ta' fehim reċiproku tat-tmien kriterji, il-valutazzjonijiet konġunti tar-riskju, il-ħolqien ta' salvagwardji, u l-verifika ta' qabel u ta' wara l-ħruġ ta' liċenzji; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw konformità aħjar mar-regolamenti tagħhom dwar l-użu aħħari, inkluża l-implimentazzjoni ta' kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti tal-UE biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi tal-persunal fil-livelli nazzjonali u tal-UE u fid-delegazzjonijiet u l-ambaxxati fil-pajjiżi importaturi bil-għan li jiġu implimentati valutazzjonijiet dwar il-vijabbiltà tar-riskju, kontrolli tal-użu aħħari u kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni; jappella lis-SEAE u lil COARM jirrapportaw fuq iTrace kwalunkwe devjazzjoni identifikata ta' prodotti ta' oriġini tal-UE bħala parti mir-rapport annwali;

52.

Jemmen li ż-żieda fl-importanza tal-livell tal-UE fil-manifattura tal-armi, il-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar il-konverġenza fl-esportazzjonijiet tal-armi u t-twaqqif tal-EPF għandhom ikunu kkomplementati minn mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-kontroll fil-livell tal-UE bbażat fuq konformità totali mat-tmien kriterji; ifakkar fid-definizzjoni ta' “Politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti” kif prevista fl-Artikolu 42(3) TUE; jemmen li “l-akkomunament u kondiviżjoni” u ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-politika dwar l-armi u l-politika dwar l-akkwist huma possibbli biss jekk jiġu stabbiliti kontrolli qawwija, arranġamenti reċiproċi ta' informazzjoni u skrutinju parlamentari regolari, u jekk jiġu infurzati mekkaniżmi ta' sanzjonijiet qawwija f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli komuni rigward ta' proġetti ffinanzjati mill-UE; jitlob ukoll li l-Parlament Ewropew – flimkien mal-parlamenti nazzjonali – ikun jista' jiggarantixxi l-kontroll parlamentari fuq il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u l-baġit tagħha;

53.

Jistieden lil COARM jeżamina l-kwistjoni tat-trasparenza fl-esportazzjoni tal-armi b'mod parallel mal-kwistjoni dwar it-trasparenza fil-liċenzjar għall-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, u jikkunsidra t-tfittxija ta' approċċi komuni għat-trasparenza bejn iż-żewġ strumenti; jemmen li ż-żieda fil-kontroll fuq il-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' Regolament rivedut dwar l-Użu Doppju tal-UE għandu jiġi bbilanċjat permezz ta' parteċipazzjoni msaħħa u r-rwol ġenerali għall-Parlament sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà;

54.

Jisħaq fuq l-effett negattiv li l-esportazzjoni bla rażan ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika minn kumpaniji tal-UE jista' jkollha fuq is-sigurtà għall-infrastruttura diġitali tal-UE u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem akbar ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront ta' politiċi, attivisti u ġurnalisti; jikkundanna bil-qawwa n-numru dejjem jiżdied ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jħabbtu wiċċhom ma' theddid diġitali, inkluża data kompromessa permezz ta' konfiska ta' tagħmir, is-sorveljanza remota u t-tixrid ta' data; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' aġġornament rapidu, effikaċi u komprensiv tar-Regolament dwar l-Użu Doppju tal-UE; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-riformulazzjoni tar-Regolament dwar l-Użu Doppju, li għandha l-għan li tipprevjeni l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' tagħmir taċ-ċibersigurtà li jista' jintuża għal repressjoni interna, inkluża s-sorveljanza tal-internet; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-isforzi kontinwi tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-kuntest ta' negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa li għandhom l-għan li jaġġornaw ir-regolament tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

55.

Iqis li konsultazzjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u s-soċjetà ċivili jwasslu għal trasparenza sinifikanti; jistieden lill-parlamenti nazzjonali jiskambjaw l-aħjar prattiki ta' rappurtar u ta' sorveljanza bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali kollha fid-deċiżjonijiet dwar l-esportazzjonijiet tal-kontroll tal-armi; jistieden lil COARM ikompli d-djalogu tiegħu mas-soċjetà ċivili u mal-industriji rilevanti, kif ukoll il-konsultazzjonijiet tiegħu mal-Parlament u mal-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi; iħeġġeġ lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja biex iżidu l-impenn u d-djalogu tagħhom mal-COARM u jeżerċitaw skrutinju indipendenti tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir ta' difiża; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jappoġġaw tali attivitajiet, inkluż permezz ta' riżorsi finanzjarji akbar;

56.

Jisħaq fuq il-ħtieġa, li fl-ispirtu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2019, ikun hemm sorveljanza parlamentari sinifikanti, u li tingħata risposta annwali għar-rapport annwali tal-COARM permezz ta' rapport tal-Parlament Ewropew bil-għan li jiġi żgurat skrutinju parlamentari minimu;

57.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħinu lil pajjiżi terzi fil-ħolqien, it-titjib u l-applikazzjoni ta' sistemi ta' kontroll ta' armi f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni;

o

o o

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16.

(2)  ĠU C 453, 14.12.2018, p. 1.

(3)  ĠU C 437, 30.12.2019, p. 1.

(4)  ĠU L 17, 23.1.2018, p. 40.

(5)  ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38.

(6)  ĠU L 330, 20.12.2019, p. 53.

(7)  ĠU C 85, 13.3.2020, p. 1.

(8)  It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, NU, 13-27217.

(9)  ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(10)  ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(11)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

(12)  ĠU L 307, 15.11.2016, p. 1.

(13)  ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30.

(14)  ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4.

(15)  ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1.

(16)  https://sustainabledevelopment.un.org/sdg16

(17)  A/HRC/35/8.

(18)  Testi adottati, P8_TA(2018)0451.

(19)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 63.

(20)  ĠU C 399, 24.11.2017, p. 178.

(21)  Testi adottati, P8_TA(2019)0330.

(22)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(23)  ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.

(24)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 104.

(25)  ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

(26)  L-iskeda informattiva ta' Marzu 2020 tal-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma (SIPRI), intitolata “Trends in International arms transfers, 2019” (Tendenzi fit-Trasferimenti internazzjonali tal-armi, 2019).

(27)  https://www.sanctionsmap.eu/#/main?checked=

(28)  Konklużjoni 11 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' armi, kif adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12195/19, COARM 154, Brussell, tas-16 ta' Settembru 2019.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/59


P9_TA(2020)0226

Approċċ strateġiku għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar approċċ strateġiku għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent (2019/2816(RSP))

(2021/C 385/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 168 u 191(2) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf medikat (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 rigward sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (“ir-Regolament REACH”) (8),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (“is-Seba' EAP”) (9),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (COM(2017)0753),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (COM(2018)0337),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-passi li jmiss biex l-UE ssir reġjun tal-aħjar prattika fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2019 bit-titolu “Lejn Strateġija tal-Unjoni għal Politika Sostenibbli dwar is-Sustanzi Kimiċi”,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2019 bit-titolu “Approċċ Strateġiku tal-Unjoni Ewropea għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent” (COM(2019)0128),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2018 bit-titolu “Lejn qafas tal-Unjoni Ewropea dwar l-interferenti endokrinali” (COM(2018)0734),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika” (COM(2017)0339),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika” (COM(2011)0748),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Mediċini Sikuri, Innovattivi u Aċċessibbli: Viżjoni Mġedda għas-Settur Farmaċewtiku” (COM(2008)0666),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR) (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (11),

wara li kkunsidra l-programmi ta' diversi Stati Membri biex jitnaqqsu r-residwi farmaċewtiċi fl-ilma,

wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika Konġunta tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar miżuri biex titnaqqas il-ħtieġa li jintużaw aġenti antimikrobiċi fit-trobbija tal-annimali fl-Unjoni Ewropea, u l-impatti konsegwenzjali fuq is-sikurezza tal-ikel (opinjoni RONAFA),

wara li kkunsidra r-rapporti annwali suċċessivi tas-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju (ESVAC) (mill-2011),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2015 (Numru 11) bit-titolu “Science for Environnement Policy – Future Brief: Sustainable Aquaculture”,

wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 bit-titolu “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” (COM(2019)0022),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-13 ta' Novembru 2019 bit-titolu “Pharmaceutical Residues in Freshwater – Hazards and Policy Responses” (Residwi Farmaċewtiċi fl-Ilma Ħelu – Perikli u Reazzjonijiet Politiċi),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-22 ta' Settembru 2016 dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi,

wara li kkunsidra l-Proġett ta' Kooperazzjoni tan-NU dwar il-Parametri tal-Ilma tax-Xorb,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji ta' Marzu 2017 bit-titolu “Drug-resistant infections: a threat to our economic future” (Infezzjonijiet reżistenti għall-mediċini: theddida għall-futur ekonomiku tagħna),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2018 bit-titolu “Options for a strategic approach to pharmaceuticals in the environment” (Opzjonijiet għal approċċ strateġiku għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-riskji ambjentali tal-prodotti mediċinali,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar approċċ strateġiku għall-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent (O-000040/2020 – B9-0015/2020 u O-000041/2020 – B9-0016/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi l-prodotti farmaċewtiċi għandhom rwol essenzjali fl-iżgurar ta' livell għoli ta' saħħa għall-bnedmin u l-annimali; billi bħalissa hemm aktar minn 3 000 ingredjent farmaċewtiku attiv fis-suq Ewropew;

B.

billi l-użu mifrux tal-prodotti farmaċewtiċi, inklużi l-aġenti antimikrobiċi, fil-mediċini umani u veterinarji żied il-konċentrazzjonijiet tagħhom f'ħafna riżervi ambjentali bħall-ħamrija, is-sedimenti u l-korpi tal-ilma f'dawn l-aħħar 20 sena; billi l-konċentrazzjonijiet ambjentali x'aktarx li jiżdiedu aktar hekk kif il-popolazzjoni tikber u tixjieħ; billi, barra minn hekk, it-tibdil fil-klima se jaffettwa kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tar-riżorsi tal-ilma, peress li fi żminijiet ta' nixfa l-konċentrazzjonijiet se jkunu ogħla, u dan ikollu wkoll effett indirett fuq it-trattament tal-ilma; billi hemm bżonn ta' ġbir ta' data mifrux biex titkejjel din il-problema madwar id-dinja; billi l-użu u r-rimi tal-prodotti farmaċewtiċi huma l-mod ewlieni li bih jispiċċaw fl-ambjent;

C.

billi l-prodotti farmaċewtiċi jispiċċaw fl-ambjent permezz tal-iskariku ta' effluwent minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi, tat-tixrid ta' demel u tal-akkwakultura, tal-iskariku ta' effluwent minn impjanti tal-manifattura, tat-tixrid tal-ħama tad-drenaġġ, tal-bhejjem li jirgħu, tat-trattament tal-annimali domestiċi, u tar-rimi impropju f'landfills ta' prodotti farmaċewtiċi mhux użati u ta' skart ikkontaminat;

D.

billi l-użu mhux xieraq tal-antibijotiċi, b'mod partikolari fit-trobbija tal-bhejjem, u prattiki ħżiena kemm fil-mediċina umana kif ukoll f'dik veterinarja b'mod aktar ġenerali, wasslu progressivament biex ir-reżistenza għall-antimikrobiċi ssir theddida enormi għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali;

E.

billi l-OECD, fl-aħħar rapport tagħha dwar ir-residwi farmaċewtiċi fl-ilma ħelu, sabet li “l-approċċi ta' politika attwali għall-ġestjoni tar-residwi farmaċewtiċi huma inadegwati għall-protezzjoni tal-kwalità tal-ilma u l-ekosistemi tal-ilma ħelu li fuqhom tiddependi s-saħħa tal-bniedem”;

F.

billi l-istabbilità kimika u/jew metabolika ta' ċerti prodotti farmaċewtiċi tfisser li sa 90 % tas-sustanzi attivi tagħhom jiġu rilaxxati fl-ambjent fil-forma oriġinali tagħhom wara l-użu;

G.

billi l-prodotti farmaċewtiċi awtorizzati għall-użu mill-bniedem u mqiegħda fis-suq qabel l-2006 ma kinux soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ambjentali bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni u, għalhekk, jista' jkun li tali valutazzjoni għadha ma saritx;

H.

billi valutazzjoni tar-riskju ambjentali titqies fil-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji għal prodotti mediċinali veterinarji iżda mhux għal prodotti mediċinali għall-bniedem;

I.

billi, fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi n-nuqqasijiet ta' għarfien f'termini ta' konċentrazzjonijiet ta' ċerti prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent u l-livelli ta' riskju li jirriżultaw;

J.

billi hemm biżżejjed evidenza li għandha tittieħed azzjoni biex jitnaqqas l-impatt ambjentali mis-sustanzi farmaċewtiċi li jistgħu jkunu perikolużi għall-ambjent, speċjalment għall-protezzjoni tal-ilmijiet użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb;

K.

billi l-impatt ambjentali tal-prodotti farmaċewtiċi ġie rikonoxxut bħala kwistjoni ta' tħassib minn għadd kbir ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, pajjiżi terzi, istituzzjonijiet Ewropej, assoċjazzjonijiet tal-industrija u organizzazzjonijiet mhux governattivi; billi ċerti Stati Membri tal-UE bħan-Netherlands, il-Ġermanja u l-Iżvezja diġà ħadu azzjoni biex jindirizzaw il-preżenza dejjem tikber tal-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent;

L.

billi, fl-2018, il-Kummissjoni kienet impenjat ruħha li tipproponi miżuri biex jitnaqqsu l-impatti potenzjalment ta' ħsara fuq l-ambjent tal-prodotti farmaċewtiċi (12);

M.

billi, b'konformità mal-Artikolu 8c tad-Direttiva 2013/39/UE, il-Kummissjoni kienet obbligata tiżviluppa approċċ strateġiku għat-tniġġis tal-ilma minn sustanzi farmaċewtiċi sat-13 ta' Settembru 2015, u tipproponi miżuri sal-14 ta' Settembru 2017;

N.

billi fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2019, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni “tivvaluta u tiddefinixxi l-miżuri l-aktar effettivi, inklużi miżuri leġiżlattivi, biex jittaffew l-effetti tal-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent u biex jiġi miġġieled l-iżvilupp tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u biex tissaħħaħ il-konnessjoni mas-settur tas-saħħa f'dan ir-rigward”; billi l-Kunsill irrikonoxxa li hija meħtieġa aktar riċerka biex wieħed jifhem aħjar il-firxa tal-impatt emerġenti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent tal-prodotti farmaċewtiċi u r-residwi tagħhom;

O.

billi l-AMR Industry Alliance żviluppat prinċipji mmexxija mill-industrija fl-ambitu tal-Qafas Komuni għall-Manifattura tal-Antibijotiċi u stabbiliet objettivi għall-konċentrazzjoni ta' skariku tal-antibijotiċi sabiex jiġu protetti r-riżorsi ekoloġiċi u jitnaqqas ir-riskju potenzjali ta' żvilupp ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fl-ambjent;

P.

billi l-atturi u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, il-pazjenti, l-industrija, dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-iskart u t-trattament tal-ilma, eċċ., għandhom rwol x'jiżvolġu fit-tnaqqis tal-impatt tal-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent;

Q.

billi l-OECD tippromwovi erba' strateġiji proattivi b'enfasi fuq opzjonijiet preventivi kmieni fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott farmaċewtiku biex il-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent jiġu ġestiti b'mod kosteffettiv u biex jinkisbu l-benefiċċji l-aktar fit-tul u fuq skala kbira għall-ambjent;

R.

billi ġiet varata kampanja ta' sensibilizzazzjoni minn bosta partijiet ikkonċernati dwar kif il-mediċini mhux użati jew skaduti jistgħu jintremew b'mod xieraq fl-Ewropa bħala parti mill-inizjattiva MedsDisposal;

S.

billi kwalunkwe miżura li tirrigwarda l-impatt ambjentali tal-mediċini trid tikkunsidra bħala l-prinċipju prevalenti d-dritt tal-pazjenti għal aċċess rapidu għal mediċini li jkunu meqjusa sikuri u effettivi fir-rigward tal-kriterji attwali ta' valutazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni finalment adottat il-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2019; jiddispjaċih li kien hemm dewmien konsiderevoli fil-preżentazzjoni tal-approċċ strateġiku u l-azzjonijiet proposti;

2.

Jaqbel mal-erba' objettivi ewlenin tal-approċċ strateġiku kif ippreżentati mill-Kummissjoni;

3.

Jinnota bi tħassib, madankollu, in-natura dgħajfa tal-miżuri inklużi fil-komunikazzjoni; iqis li jinħtieġu miżuri effikaċi biex jiġu mmitigati l-impatti negattivi tal-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent;

4.

Ifakkar li kwalunkwe inizjattiva futura fil-qasam tal-impatt ambjentali tal-prodotti farmaċewtiċi għandha tkun xprunata mix-xjenza u l-objettivi, u għandha tkun newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, filwaqt li tiżgura li s-sikurezza u l-effikaċja jibqgħu karatteristiċi prijoritarji ewlenin għall-aċċess tal-pazjenti għat-trattamenti farmaċewtiċi;

5.

Iqis li jinħtieġ approċċ olistiku, li jinkludi lill-partijiet ikkonċernati kollha, biex jiġi indirizzat it-tniġġis mill-prodotti farmaċewtiċi, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-mediċini; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjonijiet regolatorji, huwa kruċjali li jittieħdu b'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rrettifikata f'ras il-għajn; jenfasizza li għandu japplika l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, li primarjament ikopri l-proċess tal-manifattura, iżda li jinċentiva wkoll titjib fil-prattiki ta' preskrizzjoni u mġiba responsabbli tal-konsumatur; jinnota bi tħassib ir-rwol li għandhom il-prodotti farmaċewtiċi fil-kontribut għar-reżistenza għall-antimikrobiċi meta jiġu rilaxxati fl-ambjent permezz tal-iskariku tad-demel tal-annimali, it-tniġġis tal-ilma u r-rimi improprju; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu tar-responsabbiltà estiża tal-produttur biex jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-prodotti farmaċewtiċi fuq l-ambjent;

6.

Iqis li jeħtieġ li, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, jiġu organizzati kampanji biex jinfurmaw u jedukaw lill-pubbliku dwar il-perikli tal-konsum żejjed ta' mediċini mingħajr riċetta; jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda fil-bejgħ ta' mediċini mis-supermarkets u online mingħajr rakkomandazzjoni medika, u għall-periklu tar-reklamar fuq il-midja ta' tali punti ta' bejgħ barra mill-ispiżeriji jew l-istabbilimenti akkreditati kif xieraq;

7.

Jenfasizza l-fatt li l-iskariku ta' prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent mhux biss jista' jagħmel il-ħsara lill-ekosistemi u lill-fawna u l-flora selvaġġa, iżda jista' jimmina wkoll l-effikaċja ta' dawn l-istess prodotti farmaċewtiċi, speċjalment fil-każ tal-antibijotiċi, peress li jista' jikkawża l-emerġenza ta' reżistenza għall-antibijotiċi;

8.

Ifakkar li l-prodotti farmaċewtiċi għandhom diversi impatti fuq l-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar iżda anki fuq il-fawna u l-flora selvaġġa, inklużi bidliet fl-imġiba, tnaqqis tal-fekondità, modifika tad-daqs jew żvilupp ta' anormalitajiet sesswali u riproduttivi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tintegra miżuri konkreti li jqisu l-effetti kumulattivi tal-kontaminazzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi fuq l-ispeċijiet akkwatiċi u tal-baħar;

9.

Ifakkar li l-istudji wrew li r-residwi u l-prodotti farmaċewtiċi huma partikolarment preżenti fil-korpi tal-ilma, u li ma jitneħħewx kompletament mill-impjanti konvenzjonali tat-trattament tal-ilma mormi, li attwalment ma jistgħux jiffiltraw b'mod effikaċi l-prodotti farmaċewtiċi kollha; jenfasizza li l-kontaminazzjoni tal-ilma ħelu u tal-baċiri idrografiċi twassal għall-kontaminazzjoni tal-oċeani;

10.

Jinnota li minħabba l-konċentrazzjonijiet ġeneralment baxxi, ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem huma aktar relatati ma' effetti kumulattivi possibbli ta' esponiment għal dożi baxxi fit-tul milli ma' effetti akuti jew immedjati fuq is-saħħa; huwa partikolarment imħasseb dwar il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' ċerti prodotti farmaċewtiċi li jispiċċaw fl-ambjent;

11.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi rregolat il-livell tar-residwi farmaċewtiċi fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma;

12.

Jitlob li titqiegħed enfasi speċjali fuq il-hotspots tal-iskariku, bħall-impjanti tal-produzzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi u l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll l-impatt tal-prodotti farmaċewtiċi fil-kuntest tal-pjan ta' azzjoni ta' tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija mħabbar mill-Kummissjoni għall-2021;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki eżistenti fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati bil-għan li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tal-manifattura, l-użu u r-rimi tal-prodotti farmaċewtiċi;

15.

Jemmen li l-inizjattivi eżistenti u awtoregolati għandhom jiġu analizzati u, meta jkun xieraq, għandhom jitqiesu f'inizjattivi futuri tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent;

Inżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-prodotti farmaċewtiċi u nippromwovu l-miżuri ta' prevenzjoni u l-użu prudenti tagħhom

16.

Jistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki fl-użu preventiv tal-antibijotiċi u jimplimentaw bis-sħiħ u, jekk ikun meħtieġ, isaħħu l-“Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi”; jafferma mill-ġdid il-pożizzjonijiet imfissra fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi;

17.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu t-taħriġ għall-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, inklużi l-veterinarji, it-tobba u l-ispiżjara, u kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-pazjenti, dwar l-użu prudenti tal-prodotti farmaċewtiċi, bħall-antimikrobiċi, l-antidepressivi u l-fluwidi ta' kuntrast; jistieden lill-atturi fil-katina tal-provvista tal-prodotti farmaċewtiċi jikkontribwixxu biex jipprovdu lill-pazjenti u lil dawk li jrabbu l-bhejjem b'informazzjoni ċara u suffiċjenti dwar kif il-mediċini, meta ma jintremewx kif suppost, jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent; jappella biex jitqiegħdu tikketti fuq il-pakketti fil-forma ta' pittogramma xierqa biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar kif jarmu l-mediċini mhux użati kif suppost;

18.

Jenfasizza li l-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jridu jinżammu aġġornati kontinwament dwar l-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-prattiki tajbin f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tat-tixrid tal-AMR;

19.

Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-kwistjoni tal-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent fil-kooperazzjoni transfruntiera tagħhom fil-baċiri idrografiċi, u jikkoordinaw il-miżuri meta dawn jitqiesu utli;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tilqim bħala miżura ta' prevenzjoni tal-mard, sabiex tiġi minimizzata l-ħtieġa tal-prodotti farmaċewtiċi;

Nappoġġjaw l-iżvilupp ta' prodotti farmaċewtiċi intrinsikament anqas ta' ħsara għall-ambjent u nippromwovu manifattura aktar ekoloġika

21.

Jenfasizza l-importanza ta' azzjoni aktar rapida, ambizzjuża u speċifika biex jitnaqqsu r-riskji ambjentali kkawżati mill-prodotti farmaċewtiċi, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' riċerka ulterjuri biex nifhmu aħjar il-portata tal-impatt attwali tal-prodotti farmaċewtiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, u li l-prezz tal-prodotti farmaċewtiċi m'għandux jiżdied minħabba f'hekk;

22.

Jinnota li, fir-rigward tas-settur tal-kura tas-saħħa, l-indirizzar ta' kwalunkwe pressjoni tax-xogħol eċċessiva fuq it-tobba huwa kundizzjoni neċessarja biex il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jiżguraw li l-antimikrobiċi jiġu preskritti b'mod xieraq; jinnota wkoll li l-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jistgħu jiġu megħjuna aktar billi jingħataw gwida ċara u bbażata fuq l-evidenza dwar il-preskrizzjoni li tipprovdi pariri konsistenti fid-diversi indikazzjonijiet kliniċi;

23.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tal-prodotti farmaċewtiċi li jkunu ugwalment effettivi għall-pazjenti u intrinsikament inqas ta' ħsara għall-ambjent, peress li l-“prodotti farmaċewtiċi aktar ekoloġiċi” mhumiex tossiċi għall-ambjent, mhumiex soġġetti għal bijoakkumulazzjoni, u jiddegradaw aktar faċilment f'sustanzi li ma jagħmlux ħsara fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u fl-ambjent, filwaqt li jitqies li bijodegradabbiltà akbar tista' potenzjalment tfixkel l-effikaċja;

24.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati kollha jużaw il-programmi tal-UE biex jinvestu fit-teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza tar-rimi tal-prodotti farmaċewtiċi u l-ġeni reżistenti għall-antimikrobiċi filwaqt li jiżguraw li tali prodotti jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-pazjenti bl-istess livell ta' effikaċja;

25.

Iqis li l-impatti ambjentali tal-prodotti farmaċewtiċi għandhom jiġu inklużi fil-valutazzjoni tal-benefiċċji u r-riskji tal-mediċini għall-bniedem, kif diġà huwa l-każ għall-mediċini veterinarji, dment li l-awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ma jiddewmux jew jiġu rrifjutati unikament għal raġunijiet ta' impatti ambjentali negattivi;

26.

Iqis li l-valutazzjoni ambjentali tal-prodotti farmaċewtiċi għandha tinkludi l-prodotti tad-degradazzjoni u l-metaboliti tagħhom;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tqis l-isforzi eżistenti li għaddejjin mill-partijiet ikkonċernati biex jiġu żviluppati inizjattivi futuri biex jitnaqqsu r-riskji ambjentali, u tippromwovi prattiki ambjentalment responsabbli u użu u ritorn xierqa tal-prodotti farmaċewtiċi;

28.

Jitlob li d-data ta' monitoraġġ mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tintuża għall-evalwazzjoni ta' wara l-kummerċjalizzazzjoni;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-iskariku ta' prodotti farmaċewtiċi fl-ilma jitqies bħala Kwistjoni Ambjentali Ewlenija possibbli meta jiġu rieżaminati d-Dokumenti ta' Referenza tal-Aqwa Tekniki Disponibbli taħt id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għas-setturi rilevanti;

30.

Jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rwol importanti tal-politika tal-akkwist fil-promozzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi aktar ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida ċara dwar din il-kwistjoni;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tiżgura li l-produzzjoni ta' mediċini importati tissodisfa l-istess standards ambjentali għoljin bħal dawk li japplikaw għall-mediċini li jiġu prodotti fl-Unjoni;

32.

Jistieden lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tiffaċilita spezzjonijiet konġunti tal-iskariki mill-manifattura f'fabbriki farmaċewtiċi barranin li jfornu lill-UE;

Intejbu l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rieżami tagħha

33.

Iqis li jenħtieġ pjan direzzjonali ċar għat-tlestija tal-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali, meta ma jkunux disponibbli;

34.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-EMA jiżguraw li l-applikanti jissottomettu valutazzjoni kompleta sa meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali għall-bniedem, sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u ppubblikati miżuri ta' ġestjoni tar-riskju adegwati;

35.

Iqis li huwa xieraq li l-kumpaniji farmaċewtiċi jissottomettu valutazzjoni konġunta tar-riskju ambjentali għal kull sustanza attiva sabiex ikun hemm informazzjoni koerenti, tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol u jitnaqqas l-ittestjar fuq l-annimali;

36.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati bis-sħiħ ir-regolamenti dwar il-mediċini veterinarji u l-għalf medikat bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-antibijotiċi, inkluż bl-evalwazzjoni tal-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' sistema ta' rieżami bbażata fuq is-sustanzi attivi fl-UE kollha sat-28 ta' Jannar 2022 u alternattivi potenzjali oħra għall-valutazzjoni tar-riskju ambjentali;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka dwar il-valutazzjoni tal-effetti tat-taħlit, l-esponiment kroniku għal dożi baxxi u l-iżvilupp tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, speċjalment fir-rigward tal-gruppi vulnerabbli;

Innaqqsu l-ħela u ntejbu l-ġestjoni tal-iskart

38.

Jenfasizza li l-miżuri jridu jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika, u jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jiżguraw li ebda azzjoni meħuda ma tipperikola l-aċċess għal trattamenti farmaċewtiċi sikuri u effikaċi għall-bnedmin u l-annimali; f'dan ir-rigward, jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-iskart billi tippermetti li l-mediċini jiġu ddispensati fi kwantitajiet li jaqblu aħjar mal-bżonnijiet tal-pazjenti, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni attwali dwar it-traċċabbiltà, anki billi jiġu ottimizzati d-daqsijiet tal-pakketti, u li teżamina l-possibbiltà li d-dati tal-iskadenza tal-mediċini jiġu estiżi sabiex il-mediċini li jkunu għadhom jistgħu jintużaw b'mod sikur ma jintremewx bla bżonn;

39.

Jitlob aġġornament tar-rekwiżiti fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali biex tiġi żgurata valutazzjoni xierqa tas-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi u tal-effetti tat-taħlit, u biex jitqies ir-riskju li tiżviluppa reżistenza għall-antibijotiċi fl-ambjent;

40.

Iqis li l-konsum globali per capita ta' mediċini għandu jitnaqqas, mingħajr ma jinħolqu diffikultajiet fl-aċċess għall-mediċini u mingħajr ma titnaqqas l-effikaċja tat-trattamenti; huwa tal-fehma li l-konsum globali ta' mediċini veterinarji għal kull annimal għandu jonqos ukoll, mingħajr ma jiġu kompromessi s-saħħa u l-benessri tal-annimali, u li għandhom jinstabu alternattivi aħjar;

41.

Iqis li messu ilu li sar rieżami tad-Direttiva 86/278/KEE dwar il-ħama tad-drenaġġ; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tirrieżamina u taġġorna d-Direttiva 86/278/KEE sa mhux aktar tard minn tmiem l-2021, sabiex l-istandards tal-kwalità jiġu aġġornati skont l-aktar evidenza xjentifika reċenti u biex tiġi promossa ekonomija ċirkolari reali li ma tkunx ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent;

42.

Iqis li l-impjanti tal-produzzjoni farmaċewtika għandhom jittrattaw minn qabel l-ilma mormi tagħhom bl-użu tal-aqwa tekniki disponibbli;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu, jippromwovu b'mod wiesa' u jinfurzaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet għal iskemi ta' teħid lura għal mediċini mhux użati;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-kooperazzjoni dwar skemi li l-għan tagħhom huwa li jiġi evitat ir-rimi improprju ta' prodotti farmaċewtiċi;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp vis-à-vis teknoloġiji tat-trattament tal-ilma mormi iktar avvanzati li jistgħu jidentifikaw u jtejbu t-tneħħija tar-residwi farmaċewtiċi;

Inwessgħu l-monitoraġġ ambjentali

46.

Huwa mħasseb li l-monitoraġġ tal-prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent, inkluż fil-ħamrija, għadu limitat ħafna; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' sorveljanza ta' wara l-kummerċjalizzazzjoni, anke fir-rigward tal-effetti ambjentali, sabiex jiġi kopert adegwatament u sistematikament id-defiċit tad-data ambjentali;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impatt possibbli tal-prodotti farmaċewtiċi fuq il-lista ta' sorveljanza fl-ambitu tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u tivvaluta jekk il-lista għandhiex tiġi aġġornata;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prodotti farmaċewtiċi li jkunu riskju sinifikanti għall-ambjent fil-lista ta' sustanzi prijoritarji fl-ambitu tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tistabbilixxi standards tal-kwalità ambjentali u limiti ta' konċentrazzjoni fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali (EQS);

49.

Jenfasizza l-fatt li l-monitoraġġ komprensiv tal-antibijotiċi ġie żviluppat fil-biedja; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa wkoll sistema ta' monitoraġġ għall-antibijotiċi għall-bniedem;

Innaqqsu lakuni oħra fl-għarfien

50.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġjata aktar riċerka, b'mod partikolari fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, dwar l-impatt dirett tal-esponiment għall-prodotti farmaċewtiċi u għar-residwi tagħhom fl-ambjent fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekoloġija u dwar fehim aħjar ta' kif il-prodotti farmaċewtiċi jidħlu u jippersistu fl-ambjent, inkluż fl-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar;

51.

Iqis li l-metodi ta' analiżi biex tiġi kkwantifikata l-preżenza ta' prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent u l-iżvilupp tagħhom għandhom jittejbu u li l-metodi ta' detezzjoni analitika għandhom ikunu disponibbli pubblikament;

Inżidu t-trasparenza

52.

Ifakkar li l-informazzjoni dwar il-preżenza ta' prodotti farmaċewtiċi fl-ambjent bħall-impatt fuq l-ilma, l-imġiba ambjentali, id-degradabbiltà u l-effetti cocktail possibbli għandha rwol ewlieni fil-ġestjoni tar-riskju u li tali informazzjoni għandha tkun trasparenti u disponibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti jistabbilixxu bażi ta' data ċentralizzata u sikura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom aċċess għar-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju ambjentali tal-prodotti;

53.

Jemmen li għandu jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv b'saħħtu biex tiżdied it-trasparenza fil-katina tal-provvista kollha, peress li dan jippermetti skrutinju xieraq u jiżgura li l-kumpaniji jinżammu responsabbli għar-rilaxx ambjentali tal-prodotti farmaċewtiċi;

54.

Jistieden lill-industrija farmaċewtika tipprovdi aktar trasparenza fil-katini tal-provvista billi tiżvela l-oriġini tal-mediċini u tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi (API) fl-istadju tal-produzzjoni tal-materja prima, biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà totali tal-prodotti farmaċewtiċi kollha;

o

o o

55.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43.

(2)  ĠU L 4, 7.1.2019, p. 1.

(3)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(4)  ĠU L 226, 24.8.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(8)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(10)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 153.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(12)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2008 bit-titolu “Mediċini Sikuri, Innovattivi u Aċċessibbli: Viżjoni Mġedda għas-Settur Farmaċewtiku” (COM(2008)0666).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/68


P9_TA(2020)0227

Massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE (2020/2070(INI))

(2021/C 385/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017,

wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018)0773),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva” (COM(2020)0098),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (COM(2011)0571) u l-impronta ambjentali tal-prodotti mħabbra fiha,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 11/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-28 ta' April 2020 bit-titolu: “Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: għadu jinħtieġ fokus akbar fuq il-kosteffettività”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-futur tas-sistemi tal-enerġija fl-Unjoni tal-Enerġija maħsuba biex jiżguraw it-tranżizzjoni enerġetika u l-ilħuq tal-objettivi enerġetiċi u klimatiċi sal-2030 u lil hinn,

wara li kkunsidra l-“Patt ta' Amsterdam – l-Aġenda Urbana għall-UE” maqbul fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għal kwistjonijiet urbani fit-30 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli adottata fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għall-iżvilupp urban fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu! (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ (17),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0134/2020),

A.

billi l-bini huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet ta' CO2 fl-UE u għalhekk, ir-rinnovazzjoni estensiva tiegħu, inkluża rinnovazzjoni estensiva fi stadji, hija kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) żero netti sal-2050;

B.

billi s-settur tal-bini huwa l-akbar konsumatur tal-enerġija fl-UE, u 97 % tal-istokk tal-bini tal-UE mhuwiex effiċjenti fl-enerġija, b'0,2 % biss tal-bini residenzjali tal-UE soġġetti għal rinnovazzjonijiet estensivi, inklużi rinnovazzjonijiet estensivi fi stadji, kull sena, u billi aktar minn 94 % tal-bini tal-lum xorta se jkun għadu jeżisti fl-2050, u l-biċċa l-kbira tad-djar, l-iskejjel u l-uffiċċji li se nkunu qed nokkupaw dak iż-żmien diġà nbnew;

C.

billi t-tisħin tal-ispazju u tal-ilma jammonta għal madwar 80 % tal-konsum tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi, billi nofs il-bini tal-UE għandu bojlers individwali li ġew installati qabel l-1992, b'effiċjenza ta' 60 % jew inqas, u billi 22 % tal-bojlers tal-gass individwali, 34 % tal-ħiters elettriċi diretti, 47 % tal-bojlers taż-żejt u 58 % tal-bojlers tal-faħam qabżu l-ħajja teknika tagħhom;

D.

billi ż-żieda fir-rati ta' rinnovazzjoni għal kważi 3 % u r-rinnovazzjoni ta' 210 miljun bini eżistenti jistgħu joħolqu sa 2 miljun impjieg (18) fis-settur tal-kostruzzjoni, li jammonta għal madwar 9 % tal-PDG tal-Unjoni u dan hu parti importanti mill-istrateġija ta' rkupru wara l-kriżi tal-COVID-19, u jista' jikkontribwixxi għal ekonomija nadifa bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew;

E.

billi l-Osservatorju tal-Istokk tal-Bini (BSO) tal-UE għandu rwol ewlieni fil-monitoraġġ u t-titjib tar-rendiment ġenerali tal-bini fl-użu tal-enerġija fl-UE permezz ta' data li hija affidabbli, konsistenti u li faċli tiġi mqabbla;

F.

billi l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha tista' titjieb billi jittieħdu miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE, u għalhekk l-isfida ewlenija hija li jittaffa l-piż fuq il-50 miljun unità domestika fl-Unjoni Ewropea stmati li qed jesperjenzaw faqar enerġetiku, jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u tkun disponibbli akkomodazzjoni komda, affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għal kulħadd;

G.

billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li n-nies iqattgħu madwar 90 % tal-ħin tagħhom ġewwa, f'bini residenzjali u mhux residenzjali, u li kull sena aktar minn nofs miljun Ewropew imutu qabel iż-żmien minħabba kwalità ta' arja ħażina ġewwa l-bini (19), u billi ventilazzjoni tajba bil-ftuħ ta' twieqi ttejjeb il-kwalità tal-arja fid-djar tan-nies kif ukoll tipprovdi dawl naturali, b'hekk tagħmilhom aktar b'saħħithom, u dan sar ċentrali speċjalment matul il-kriżi attwali tal-COVID-19;

H.

billi hu talab li “d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (EED) u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-Binjiet (EEBD) jiġu riveduti skont l-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE, u li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi mqawwija, permezz ta' miri nazzjonali vinkolanti” (20);

I.

billi 'l fuq minn EUR 282 biljun permezz ta' investiment fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini Ewropew, kif ukoll kombinazzjoni intelliġenti ta' implimentazzjoni rigoruża ta' politiki eżistenti, inizjattivi ġodda ta' politika għat-tneħħija gradwali ta' bini bl-agħar rendiment ta' enerġija, mekkaniżmi ta' finanzjament ulterjuri u adegwati, u investimenti f'soluzzjonijiet innovattivi huma meħtieġa biex jinkiseb stokk ta' bini effiċjenti fl-enerġija, kif ukoll il-mira tal-Unjoni għall-2030 dwar l-effiċjenza enerġetika;

J.

billi l-programmi integrati għar-rinnovazzjoni (IRPs) għandhom l-għan li jkunu olistiċi, billi jpoġġu l-effiċjenza enerġetika l-ewwel, u billi jiffokaw fuq l-ekosistemi tal-viċinat usa', filwaqt li jiġbru fihom miri għoljin tat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija għall-bini individwali, huma bbażati fuq l-aħjar prattika u mifhuma bħala li jikkonsistu minn tliet pilastri ewlenin:

a)

tipoloġija tal-kostruzzjoni u materjali tal-bini, li jirrikjedu għarfien profond tal-età, tal-użu u tal-metodu ta' kostruzzjoni tal-bini, u tal-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija li jirrappreżentaw, kif ukoll deskrizzjonijiet tat-tipi ta' materjali li għandhom jintużaw matul il-proċess kollu ta' rinnovazzjoni, inkluż l-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

b)

il-provvista ta' sorsi tal-enerġija sostenibbli u l-aċċess għalihom, jiġifieri enerġija rinnovabbli fuq il-post u fil-qrib, inklużi sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali jew l-użu tal-kapaċità ta' ħażna termika tal-bini, servizzi V2X (vehicle-to-X) u possibilitajiet oħra ta' flessibbiltà li jippermettu integrazzjoni settorjali;

c)

il-benefiċċji tal-komunità/tas-soċjetà, jiġifieri l-integrazzjoni tal-komunitajiet lokali fil-proġetti u l-programmi kollha ta' rinnovazzjoni tal-enerġija sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-faqar enerġetiku, in-nuqqas ta' riżorsi tekniċi u/jew finanzjarji u l-lakuni ta' informazzjoni;

K.

billi l-implimentazzjoni ta' dan l-approċċ imsejjes fuq tliet pilastri tiżgura li l-IRPs huma mfassla u implimentati b'mod li jiffokaw fuq il-benefiċċji usa' li jistgħu jingħataw permezz ta' rinnovazzjonijiet tal-enerġija lin-nies u lill-komunitajiet bħall-effiċjenza enerġetika, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, il-kompetittività industrijali, is-sostenibbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-aċċessibbiltà;

Il-viċinati u l-komunitajiet

1.

Jenfasizza r-rwol tal-viċinati u l-komunitajiet, kif ukoll ta' atturi oħra bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs, fl-IRPs, bħala approċċ olistiku għar-rinnovazzjoni, sabiex jinkiseb settur tal-bini effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u newtrali għall-klima sal-2050 f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD);

2.

Jitlob li l-politiki tal-bini u tar-rinnovazzjoni jkunu olistiċi u inklużivi, jikkontribwixxu għall-miri klimatiċi tal-UE, jinkludu l-IRPs li jintegraw il-katini tal-valur lokali, is-servizzi soċjali u l-affordabbiltà, il-prontezza intelliġenti, klima ta' ġewwa u l-kwalità ambjentali tajba u adegwata, il-mobilità, il-funzjonijiet tal-bini tekniċi, industrijali u effiċjenti fl-enerġija, u jippermettu l-produzzjoni u l-iskambju tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post jew fil-viċin, u flessibbiltà min-naħa tad-domanda, kif ukoll l-użu ta' sħana u kesħa eċċessiva minn faċilitajiet industrijali fil-qrib, sistemi tat-trasport lokali, jew passaġġi tal-ilma fejn din hija għażla sostenibbli;

3.

Jenfasizza r-rwol importanti li ċ-ċittadini għandhom fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini residenzjali u l-importanza li jinħolqu għodod effiċjenti, l-aħjar prattiki u li l-informazzjoni u l-għarfien kollu possibbli jsiru disponibbli fil-livell lokali inklużi opportunitajiet relatati mat-teknoloġiji (pereżempju arloġġi intelliġenti); jirrikonoxxi, barra minn hekk, l-impetu mogħti mill-komunitajiet tal-enerġija billi jġibu liċ-ċittadini flimkien, filwaqt li jinfurmawhom u jinvolvuhom biex jibdew ir-rinnovazzjonijiet u/jew il-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli tagħhom stess, u jitlob pakkett komprensiv ta' miżuri ta' politika biex jiżdiedu dawn l-approċċi;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-ġentrifikazzjoni u r-“rinnovizzjoni” tal-viċinati, kif ukoll id-disparitajiet bejn il-ġeneri u s-sitwazzjoni taċ-ċittadini vulnerabbli; iqis li approċċ komunitarju, flimkien mas-salvagwardji fil-livell regolatorju, jista' jippreserva l-komunitajiet eżistenti, kif ukoll joħloq inċentivi li huma essenzjali biex tiġi massimizzata l-effiċjenza enerġetika u biex isiru l-investimenti privati u pubbliċi meħtieġa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-aktar ċittadini vulnerabbli billi dawn jingħataw aċċess għal kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi, kumdità u saħħa u jenfasizza r-rwol importanti tal-akkomodazzjoni soċjali;

5.

Jissottolinja l-fatt li s-sjieda tal-bini, il-liġijiet tal-kera u l-għadd ta' sidien tad-djar u ta' kerrejja kif ukoll l-opportunitajiet ta' investiment u l-iskemi ta' appoġġ fil-qasam tal-akkomodazzjoni, il-kundizzjonijiet tat-temp u s-sistemi tal-enerġija jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor; jemmen li strateġija ta' “mewġa ta' rinnovazzjoni” għandha tqis iċ-ċirkostanzi differenti rilevanti għal kull Stat Membru, anke skont il-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs); jissottolinja partikolarment il-fatt li dawn ir-rinnovazzjonijiet ma għandhomx iwasslu għal piż ta' spejjeż tal-kera mhux tollerabbli għall-kerrejja;

6.

Jissottolinja l-ammont ta' faqar enerġetiku fl-UE kollha, li hu stmat li jaffettwa sa 50 miljun unità domestika (21); jemmen li l-mewġa ta' rinnovazzjoni u l-inizjattivi relatati li ġejjin għandu jkollhom bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tagħhom l-eliminazzjoni tal-faqar enerġetiku u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tal-għajxien tajbin għas-saħħa u sikuri għal kulħadd; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lir-rinnovazzjoni ta' unitajiet domestiċi li huma fqar fl-enerġija u jenfasizza l-importanza li jiġu adottati miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, li jiġu promossi drawwiet ta' konsum effiċjenti fl-użu tal-enerġija u bidla fl-imġiba; jenfasizza li s-settur pubbliku jrid ikollu rwol mexxej f'dan il-qasam;

7.

Jenfasizza s-suċċess immedjat ta' “punti uniċi ta' servizz”, għar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini bħala għodod konsultattivi trasparenti u aċċessibbli mill-perspettiva tal-klijent, li jħeġġu l-aggregazzjoni ta' proġetti u ta' mudelli replikabbli, l-għoti ta' informazzjoni dwar finanzjament minn partijiet terzi, il-koordinazzjoni u r-rinnovazzjonijiet li jakkumpanjawhom, kif ukoll il-provvista ta' bini ta' kapaċità għal muniċipalitajiet, u l-involviment attiv ta' atturi lokali bħal komunitajiet tal-enerġija, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, assoċjazzjonijiet lokali tan-negozju, inkluż mill-industrija tal-kostruzzjoni, u kooperattivi tad-djar matul il-proċess;

8.

Ifakkar li huma meħtieġa kemm l-isforzi pubbliċi kif ukoll dawk privati biex jinkisbu riżultati konkreti fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika għall-istokk tal-bini attwali; jissottolinja l-ħtieġa li mhux biss jinħolqu dawn is-servizzi ta' punt uniku ta' servizz iżda anke li jkunu sostnuti sabiex is-suq jibqa' jiġi fornut b'riżerva ta' proġetti, inklużi proġetti fuq skala iżgħar; jemmen li l-ħolqien ta' punt uniku ta' servizz fil-livell reġjonali jew lokali se jipprovdi aċċess aħjar għall-mekkaniżmi ta' finanzjament;

9.

Jilqa' l-proposta tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar il-pjattaformi miftuħa; jenfasizza li dawn għandhom ikunu trasparenti, f'diversi livelli u inklużivi, jinkludu firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u jippermettu li l-frammentazzjoni fis-settur tal-bini titnaqqas; ifakkar li l-pjattaformi jridu jservu l-objettiv li sal-2050 jinkiseb stokk ta' bini b'użu ferm effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat, u jemmen li dawn għandhom ikunu l-għodda li tindirizza l-ostakli għar-rinnovazzjoni u tinvolvi liċ-ċittadini biex jilħqu kunsens abbażi tal-ħtiġijiet komunitarji;

10.

Jissottolinja li l-pjattaformi reġjonali għandhom jistabbilixxu miri li jistgħu jitkejlu u jaħdmu lejn pjanijiet direzzjonali u jżommu skambji regolari mal-pjattaformi eżistenti ta' Azzjoni Miftiehma tal-EED, l-EPBD u d-Direttivita dwar l-Enerġija Rinnovabble (RED) (22), kif ukoll mal-aġenziji u l-korpi eżistenti fl-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom; jinsab konvint li l-pjattaformi huma għodda importanti għall-implimentazzjoni ta' programmi integrati ta' rinnovazzjoni tal-bini u biex jappoġġaw lill-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tal-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul tagħhom;

11.

Jieħu nota tal-Karta l-Ġdida ta' Leipzig li għandha tiġi adottata matul il-Presidenza Ġermaniża u jaqbel mal-fehma li l-bliet għandhom rwol ewlieni fit-tnaqqis drastiku tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika; iqis li rinnovazzjoni tal-bini se tikkontribwixxi bil-kbir għal dawn l-objettivi filwaqt li se tippromwovi bliet ġusti, ekoloġiċi u produttivi permezz ta' viċinati reżiljenti; jistieden lill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-bliet ikunu mgħammra bir-riżorsi ta' finanzjament meħtieġa u direttament aċċessibbli għall-miżuri ta' rinnovazzjoni speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa tal-irkupru ekonomiku;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta politika li tiffaċilita l-IRPs fil-livell komunitarju u reġjonali fl-Istati Membri li jipprevedu rinnovazzjonijiet estensivi, inklużi rinnovazzjonijiet estensivi fi stadji, u li tqis il-ħtiġijiet tal-bini b'mod inklużiv u interattiv; jenfasizza l-opportunità li jiġu żgurati aktar soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli fuq il-post u fil-qrib jew jintalbu mekkaniżmi ta' rispons permezz tal-IRPs; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma fuq il-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-mekkaniżmu EU City Facility; jenfasizza wkoll f'dan il-kuntest l-importanza kbira tal-aġenda urbana u tas-sħubija urbana;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-amministrazzjonijiet lokali tagħhom biex iniedu l-IRPs fil-livell tal-viċinat u dak komunitarju, filwaqt li jpoġġu liċ-ċittadini fiċ-ċentru u jirrikonċiljaw adegwatment ir-rinnovazzjoni mal-preservazzjoni tal-wirt storiku tanġibbli Ewropew (monumenti u bini), filwaqt li jirrikjedu li l-awtoritajiet lokali jagħtu feedback dwar ir-riżultati miksuba, kif ukoll dwar l-aħjar prattiki għat-tfassil ta' politika futura fil-livell nazzjonali;

14.

Jistieden lill-Istati Membri joħolqu qafas biex jingħelbu l-inċentivi opposti, pereżempju permezz tal-għoti ta' informazzjoni preċiża, inċentivi xierqa u infurzar effettiv (23), u jagħtu kunsiderazzjoni adegwata lill-familji u l-komunitajiet li jgħixu fil-faqar enerġetiku permezz ta' qafas regolatorju biex jiġu evitati r-rinnovizzjonijiet, pereżempju, billi jkun meħtieġ li sehem xieraq minn parti tal-art ta' bini rinnovat b'mod estensiv tkun riżervata għalihom, jew permezz ta' prijoritizzazzjoni ta' bini b'konsum ogħla ta' enerġija jew ħela ta' enerġija meta jitfasslu IRPs, u permezz ta' limiti fuq żidiet fil-kera, sakemm dan ma jirrestrinġix il-kapaċità li jsiru rinnovazzjonijiet għall-effiċjenza enerġetika;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi servizz ta' appoġġ għal proġetti ta' rinnovazzjoni mmexxija miċ-ċittadini, kif ukoll toħroġ linji gwida ta' implimentazzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-kunċetti tal-qafas ta' abilitazzjoni u ta' kundizzjonijiet ekwi għall-komunitajiet tal-enerġija introdotti mid-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku (24) u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED), sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b'suċċess u biex jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ il-benefiċċji ta' proġetti tal-enerġija mmexxija miċ-ċittadini;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi minnufih pjattaformi kif indikat fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u tinkludi dawn il-pjattaformi bħala prijorità ewlenija fl-IRPs; jenfasizza li l-IRPs għandhom ikunu akkumpanjati minn inizjattivi tal-UE li jiċċirkolaw l-aħjar prattiki dwar ir-replikabbiltà tal-programmi, it-tixrid tal-kapaċitajiet, l-integrazzjoni settorjali u s-salvagwardji għall-komunitajiet f'qagħda ta' faqar enerġetiku, f'konformità mal-impenji tal-EPBD;

Finanzjament

17.

Jenfasizza li l-kostijiet tal-investiment inizjali, l-iskemi finanzjarji kumplessi, l-inċentivi opposti (id-dilemma bejn il-kerrej u s-sid), il-perjodi ta' rkupru medji/fit-tul, l-ostakoli regolatorji u amministrattivi, inkluż għall-bini b'diversi sjieda, id-disinn ta' appoġġ eżistenti u n-nuqqas ta' qafas ta' politika prevedibbli fit-tul jaġixxu bħala ostakoli sinifikanti għall-investimenti;

18.

Jenfasizza li, fil-kuntest tal-irkupru tal-COVID-19 u l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi u privati, l-iskemi ta' finanzjament għandhom jinċentivaw u jipprijoritizzaw ir-rinnovazzjonijiet estensivi, inklużi dawk fi stadji, bil-għan li jintlaħqu l-miri tan-newtralità klimatika tal-2050, b'inċentivi adegwati, kif ukoll b'miri, sabiex jinkiseb stokk tal-bini ferm effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat; jemmen li din hija prekundizzjoni biex jiġu kkunsidrati r-rinnovazzjonijiet tal-bini bħala investimenti sostenibbli fit-tul; jissottolinja r-rwol tal-indikaturi tal-kosteffettività inklużi l-kobenefiċċji f'dan ir-rigward;

19.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jipprovdu linji gwida ċari u jiddeskrivu azzjonijiet immirati li jistgħu jitkejlu, kif ukoll jippromwovu aċċess ugwali għall-finanzjament, inkluż għall-partijiet bl-agħar rendiment tal-istokk tal-bini nazzjonali, konsumaturi b'faqar enerġetiku, akkomodazzjoni soċjali, u unitajiet domestiċi soġġetti għal dilemma ta' inċentivi opposti, filwaqt li titqies l-affordabilità;

20.

Jenfasizza li s-sidien tad-djar, partikolarment dawk bi dħul baxx u fqar fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni u l-kooperattivi, il-fornituri tal-akkomodazzjoni pubblika u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu appoġġati biex jagħmlu l-istokk tal-bini u l-ambjent mibni tagħhom reżiljenti għall-klima, pereżempju permezz ta' għotjiet jew strumenti finanzjarji abbażi tal-addizzjonalità tal-finanzjament tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), tal-baġits nazzjonali u ta' sorsi tas-settur privat;

21.

Iqis li l-prijoritizzazzjoni ta' finanzjament għar-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika fil-bini f'kull fond Ewropew rilevanti hija meħtieġa, kif ukoll koordinazzjoni b'saħħitha biex jinstabu sinerġiji, jiġi ffaċilitat it-taħlit, jiġu aggregati proġetti u jinħolqu riservi ta' proġetti, sabiex jiġi żgurat l-assorbiment f'waqtu tal-fondi; jistieden lill-istituzzjonijiet finanzjarji jiddedikaw riżorsi sinifikanti għall-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika; jissotolinja li tal-inqas EUR 75 biljun fis-sena f'inċentivi tal-UE flimkien ma' fondi kontinwi u stabbli fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali kif ukoll investiment privat huma meħtieġa biex jiġu żgurati rinnovazzjonijiet estensivi lejn stokk tal-bini ferm effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat sal-2050; jistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw il-finanzjament meħtieġ fi ħdan il-pjan Ewropew ta' rkupru ekonomiku, mhux l-inqas biex jgħinu lil dawk fis-soċjetà li kieku jibbenefikaw l-aktar mir-rinnovazzjonijiet;

22.

Jilqa' s-sejbiet li juru li hemm primjum tal-prezz għal bini b'użu effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija (25), li jiżgura li s-sidien tal-bini jkollhom redditu fuq l-investiment, iżda jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, tal-kostruzzjoni u tar-rinnovazzjoni b'mod ġenerali;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess adegwat u sempliċi għall-kreditu u l-finanzjament biex jiġu megħjuna l-SMEs, il-komunitajiet u l-familji bil-ħsieb li jwettqu r-rinnovazzjonijiet meħtieġa fuq l-istokk tal-bini eżistenti;

24.

Jilqa' l-prattiki u l-istrumenti finanzjarji disponibbli possibbli bħas-sussidji ekoloġiċi u l-inċentivi fiskali u ta' self favur l-ambjent; jirrikonoxxi r-rwol tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) fil-finanzjament ta' proġetti tal-effiċjenza enerġetika u fid-definizzjoni tal-effiċjenza enerġetika bħala għan speċifiku għall-iżvilupp reġjonali fil-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2027; jissottolinja r-rwol tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jipprovdi self, garanziji u strumenti finanzjarji, bħall-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza fl-Enerġija (PF4EE), il-faċilità ta' garanzija tal-Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti, u l-Fond InvestEU, anke biex ikun jista' jsir finanzjament ta' proġetti ta' rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali;

25.

Jiġbed l-attenzjoni għall-prattiki tajba tal-Istati Membri bħall-użu tad-dħul mill-skema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS), it-taħlit, l-iżgurar li l-ħtiġijiet ta' unitajiet domestiċi bi dħul baxx ikunu rikonoxxuti u l-użu ta' fondi reġjonali tal-UE bħala garanziji u fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw; jenfasizza li hemm il-possibbiltà li jiġi ffinanzjat it-taħriġ fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll fl-effiċjenza enerġetika u fir-riżorsi bis-saħħa tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;

26.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu r-rati ta' assorbiment tal-fondi billi jitneħħew l-ostakoli, speċjalment permezz ta' assistenza teknika kriterji anqas kumplessi u simplifikazzjoni tat-taħlit ma' fondi oħra; jiddispjaċih mill-fatt li d-daqs tal-proġetti skont il-faċilità tal-Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA) għadu kbir, u li proġetti iżgħar u proġetti li jittrattaw il-komunitajiet jeħtieġu aktar appoġġ u aggregazzjoni; iqis l-EU City Facility bħala mekkaniżmu ta' appoġġ potenzjalment b'saħħtu ħafna għall-bliet biex jiżviluppaw IRPs, li għandu jitkompla u jagħti appoġġ anke lil proġetti iżgħar;

27.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-għotjiet għar-riċerka u l-innovazzjoni: iqis li huwa neċessarju li jiġi pprovdut finanzjament kontinwu u stabbli għal IRPs, kemm minn sorsi Ewropej kif ukoll minn sorsi nazzjonali, mingħajr interruzzjonijiet ikkawżati minn miżuri ta' ppjanar baġitarju differenti;

28.

Iqis li l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-IRPs kollha jwarrbu fondi biex jiġu indirizzati l-faqar enerġetiku, l-aċċessibilità u l-ostakli tekniċi u infrastrutturali għal familji vulnerabbli u bi dħul baxx, b'mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkomodazzjoni adegwata, b'saħħitha u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jkunu parti minn programmi ta' rinnovazzjoni tal-viċinat; jitlob l-iżvilupp u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bi strumenti finanzjarji innovattivi bħal finanzjament tal-bini u skemi, inklużi ipoteki effiċjenti fl-enerġija, self EuroPACE u self RenOnBill;

29.

Jinnota r-rwol kemm tal-awtoritajiet reġjonali kif ukoll tal-Bank Ewropew tal-Investiment fl-għoti ta' appoġġ finanzjarju permezz ta' self tas-settur pubbliku li se jinċentiva l-banek kummerċjali, il-fondi tal-pensjonijiet u s-settur privat, speċjalment l-SMEs, biex jinvestu aktar fir-rinnovazzjoni tal-bini, pereżempju permezz ta' garanziji pubbliċi ta' kreditu u metodi innovattivi ta' finanzjament;

30.

Jirrikonoxxi r-rwol li mudelli kummerċjali ġodda bħall-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija, ir-rinnovazzjonijiet immexxija miċ-ċittadini, il-komunitajiet tal-enerġija u l-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija jistgħu jiżvolġu fir-rinnovazzjonijiet u b'mod partikolari, finanzjament li ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ għall-akkomodazzjoni soċjali, il-korporazzjonijiet tal-akkomodazzjoni u l-parks kummerċjali; jissottolinja l-ħtieġa li l-intensità tal-finanzjament tintrabat mal-livell ta' effiċjenza enerġetika miksub kif meħtieġ mill-EPBD u jissuġġerixxi li jiżdied primjum fuq il-bini b'enerġija pożittiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida ta' implimentazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-pakkett dwar l-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha, b'mod partikolari toħloq qafas ta' abilitazzjoni billi titlob li jsiru konsultazzjonijiet regolari biex jiġu mifhuma l-ħtiġijiet tas-suq, u jinkoraġġixxi t-taħlit ta' fondi privati u pubbliċi, l-użu ta' mudelli ċari għal kuntratti u proċeduri ta' akkwist speċifiċi bi kjarifiki ulterjuri dwar il-kontabbiltà korretta għall-investimenti pubbliċi relatati mal-effiċjenza tal-bini;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-miri tal-effiċjenza enerġetika 'l fuq, kif mitlub mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-ewwel nett billi tiżdied il-mira ewlenija għall-2030 abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt xierqa u b'mod prevedibbli, u tipproponi rati ta' rinnovazzjoni annwali minimi għall-bini u miżuri ta' politika li jiżguraw rinnovazzjonijiet estensivi, inklużi rinovazzjonijiet estensivi fi stadji li joħolqu skattaturi finanzjarji u stabbiltà tal-investiment;

32.

Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw li l-fondi rispettivi tal-QFP il-ġdid jagħtu prijorità lill-ammonti ddedikati għall-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet tal-bini, b'kundizzjonijiet u skadenzi ċari, inkluża l-assistenza teknika, biex jiġu żgurati rati ta' assorbiment adegwati; jenfasizza l-importanza tal-garanziji tal-UE għall-investimenti, it-taħlit ta' sorsi ta' finanzjament, kif ukoll il-komponenti tal-għotja biex jiġu skattati rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika residenzjali; jirrikonoxxi r-rwol u l-mudell ta' suċċess tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (li se jkun sostitwit minn InvestEU); jitlob prijoritizzazzjoni ta' finanzjament għall-effiċjenza enerġetika tal-bini fi ħdan it-tieqa tal-infrastruttura sostenibbli ta' InvestEU u għar-riżerva ta' ammonti ddedikati għall-effiċjenza enerġetika bħala objettiv speċifiku għall-iżvilupp reġjonali li jrid jiġi rifless fil-Ftehimiet ta' Sħubija rispettivi tal-Istati Membri ffirmati mal-Kummissjoni;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni telimina l-ostakoli finanzjarji u mhux finanzjarji għal rati ta' assorbiment ogħla ta' fondi reġjonali mwarrba għal rinnovazzjoni integrata tal-bini sal-2021;

34.

Jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità tal-faċilità ELENA u tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jagħtu kemm assistenza finanzjarja u teknika mfassla apposta u diretta lill-awtoritajiet lokali, kif ukoll gwida speċifika lill-Istati Membri fil-kuntest tal-pjanijiet ta' rkupru tal-COVID-19;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà li jintuża d-dħul tal-ETS għal azzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika bħar-rinnovazzjonijiet tal-bini, inklużi mekkaniżmi ta' salvagwardji kontra fluttwazzjonijiet, u l-fattibbiltà li jiġi allokat porzjon tad-dħul mill-iskambju tal-kwoti fil-livell tal-UE; jistieden lil Bank Ewropew tal-Investiment u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu appoġġ lill-iżviluppaturi tal-proġetti tul iċ-ċiklu tal-proġett u jistabbilixxu proporzjon ta' għotja fiss biex jagħmlu r-rinnovazzjonijiet attraenti u affordabbli għaċ-ċittadini;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mudelli flessibbli għas-sinerġiji ta' programmi u strumenti finanzjarji differenti għall-finanzjament tal-effiċjenza enerġetika fil-bini; jitlob, barra minn hekk, f'konformità mar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (26), li jiġi adottat approċċ ta' kosteffettività għar-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika fil-bini; iħeġġeġ monitoraġġ bir-reqqa tal-kosteffettività tal-programmi operattivi abbażi tal-kostijiet għal kull unità ta' CO2 iffrankata; jemmen ukoll li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jirrispettaw il-prinċipji ta' kosteffettività u ta' effikaċja għall-fini ta' ffrankar tal-enerġija meta jagħtu flus tal-UE għal proġetti ta' rinnovazzjoni;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita ulterjorment l-użu ta' sħubijiet pubbliċi u privati (PPPs), bħall-PF4EE, relatati ma' finanzjament intelliġenti u sostenibbli, u l-identifikazzjoni ta' kunċetti ta' investiment lokali possibbli;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li jinkludu investimenti minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), sabiex toħloq qafas ta' abilitazzjoni għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u tippromwovi l-IRPs, inkluża l-installazzjoni jew ir-rinnovazzjoni tas-sistemi ta' tisħin distrettwali permezz ta' proċeduri semplifikati u livelli limitu adegwati, kif ukoll skemi ta' skrappjar għall-apparati tat-tisħin li jaħdmu bil-fjuwils fossili u apparati ineffiċjenti meta jiġu ssostitwiti b'tisħin individwali jew kollettiv abbażi ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jew tisħin eċċessiv; jissottolinja, madankollu, li kwalunkwe reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għandha primarjament tikkontribwixxi għal trattament indaqs u aktar kompetizzjoni;

Teknoloġiji tal-kostruzzjoni u materjali tal-bini

39.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż, it-tul ta' żmien, l-effikaċja, l-affidabbiltà u l-integrazzjoni biex jiżdiedu l-IRPs bil-ħolqien ta' swieq ta' rinnovazzjoni miftuħa u kompetittivi, bil-produzzjoni industrijali ta' elementi prefabbrikati sostenibbli, kif ukoll bir-rikonoxximent tal-potenzjal tat-teknoloġiji eżistenti fl-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli f'materjali tal-bini, li jistgħu jintużaw bħala elementi ta' kisi multifunzjonali għar-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini eżistenti, u biex dawn jiġu utilizzati fir-rinnovazzjonijiet serjali u distrettwali; jissottolinja r-rwol tal-prefabrikazzjoni ta' komponenti mhux fuq il-post fl-aċċelerazzjoni, l-iskala u l-kosteffettività; jinnota li diġà jeżistu fl-Istati Membri l-aħjar prattiki dwar ir-rinnovazzjonijiet tal-bini f'partijiet tal-bini differenti li issa jeħtieġ jiġu replikati u intensifikati biex jinkisbu r-riżultati; jenfasizza l-benefiċċju ta' sforzi akbar ta' riċerka f'dan il-qasam;

40.

Jenfasizza l-importanza tal-flessibbiltà fl-għażla ta' teknoloġiji użati għar-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni; jemmen li t-teknoloġiji disponibbli kollha għandhom jiġu applikati f'approċċ orjentat lejn l-objettiv biex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini; jissottolinja li l-użu tal-enerġija rinnovabbli għandu rwol kruċjali f' din id-dekarbonizzazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' tisħin u tkessiħ distrettwali dekarbonizzati bi ħżin integrat għal komunitajiet aktar konnessi u integrati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv u jinċentivaw l-integrazzjoni sħiħa tal-enerġiji rinnovabbli fis-settur tal-bini;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-programmi ta' riċerka u żvilupp (R&Ż) għall-materjali tal-kostruzzjoni effiċjenti u, fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjali, jitlob li tiġi implimentata sistema tat-tisħin ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli bi spejjeż baxxi fiż-żoni rurali u remoti; jinnota l-aħjar prattika Daniża li tikkonċerna d-dekarbonizzazzjoni tas-sħana permezz tan-networks ta' tisħin distrettwali ta' sidien mill-Komunità mħaddma mis-sħana solari, mill-pompi tas-sħana u mill-bijomassa;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu infurmati u jingħataw inċentivi biex jissostitwixxu teknoloġiji qodma u ineffiċjenti għat-tisħin u t-tkessiħ b'soluzzjonijiet moderni, effiċjenti ħafna u rinnovabbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' sostituzzjoni, filwaqt li jirrikonoxxu li l-fjuwils fossili, speċjalment il-gass naturali, bħalissa għandhom rwol fis-sistemi tat-tisħin tal-bini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu skemi ta' skrappjar bi qbil mal-ekonomija ċirkolari u jużaw it-tikkettar u l-pariri dwar l-effiċjenza waqt l-eżamijiet ta' rutina sabiex jaċċelleraw is-sostituzzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tat-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ abbażi tal-fjuwils fossili bħala parti mill-NECPs tagħhom;

43.

Jirrimarka r-rwol ta' tmexxija tal-Ewropa fil-bini ta' fotovoltajċi integrati; jissuġġerixxi li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli b'mod ġenerali jiġu rikonoxxuti bħala katina tal-valur strateġika ewlenija u jissuġġerixxi wkoll programm solari Ewropew għall-enerġija fuq il-bejt għall-mewġa ta' rinnovazzjoni li ġejja;

44.

Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” li jkun integrat fil-politiki u l-miżuri kollha, anke fit-tnaqqis tal-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin, it-tkessiħ u l-użi tal-ilma sħun u tal-enerġija għat-tidwil u l-ventilazzjoni, filwaqt li jġib l-elettrifikazzjoni tad-domanda residwa permezz tal-enerġija rinnovabbli flimkien ma' pompi tat-tisħin jew sistemi effiċjenti ta' tisħin u ta' tkessiħ distrettwali bl-użu tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll fil-ġestjoni u l-flessibbiltà tad-domanda;

45.

Jirrimarka l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli, sabiex jitjieb l-aċċess għall-grilja, inkluża, fost l-oħrajn, il-ħtieġa ta' armonizzazzjoni u semplifikazzjoni tal-permessi għall-SMEs, u jissottolinja l-ħtieġa li l-IRPs jiġu ppjanati sabiex jinkisbu sinerġiji, pereżempju, fl-aċċessibbiltà għall-bini, fis-sikurezza sismika u kontra n-nirien, fl-elettromobbiltà (inkluż l-installazzjoni ta' kejbils minn qalbel u l-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi), fit-titjib tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-ħolqien ta' spazji, soqfa u ħitan ekoloġiċi, li jtejbu l-ġestjoni tal-ilma u jgħinu biex tiżdied il-bijodiversità urbana;

46.

Ifakkar li l-aspetti ta' sikurezza kontra n-nirien għandhom jitqiesu waqt id-disinn, mal-għażla tal-materjali, il-kostruzzjoni, ir-rinnovazzjoni u t-tħaddim tal-bini sabiex titjieb il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, is-soppressjoni bikrija, l-evakwazzjoni, il-kompartimentazzjoni, ir-reżistensza strutturali u t-tifi tan-nar, kif ukoll il-kompetenzi rilevanti tal-professjonisti involuti fid-disinn, il-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni;

47.

Iqis li l-bini effiċjenti fl-enerġija għandu jkun b'saħħtu, affordabbli, sikur u sostenibbli; jissottolinja l-importanza tal-enerġija inkorporata, is-sostenibbiltà fil-bini, l-effiċjenza fir-riżorsi, il-kumdità termali, kwalità tal-arja mtejba, klima ta' ġewwa tajba kif ukoll l-approċċi taċ-ċiklu tal-ħajja f'konformità mal-ekonomija ċirkolari u l-ħtieġa li l-istrateġija dwar ambjent ta' bini sostenibbli tieħu approċċ olistiku u integrat; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu inklużi elementi passivi u naturali fid-disinn tal-bini u l-potenzjal enormi tal-isfruttar tal-uċuħ tal-bini, fejn l-ambjent mibni jinbidel fi produttur deċentralizzat tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġu salvati żoni tal-art u tal-pajsaġġ;

48.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni adegwata u ta' tnaqqis tal-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni; jinnota li għandhom jinħolqu skemi ta' ġbir u ta' teħid lura u faċilitajiet ta' separazzjoni biex jiġi żgurat it-trattament xieraq u sikur tal-iskart kollu tal-kostruzzjoni, kif ukoll għar-riċiklaġġ jew l-użu mill-ġdid ta' materjali tal-bini, għall-immaniġġjar sikur, it-tneħħija u s-sostituzzjoni ta' sustanzi perikolużi fil-flussi tal-iskart sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-okkupanti u tal-ħaddiema, kif ukoll tal-ambjent; jemmen li għandha tiġi stabbilita sistema ta' tikkettar tal-ekonomija ċirkolari, abbażi ta' standards u kriterji ambjentali għall-materjali marbuta mal-potenzjal tagħhom li jidħlu mill-ġdid fil-katina tal-valur b'mod faċli u b'enerġija baxxa, speċjalment billi jitqies ir-rwol tal-materja prima sekondarja; jinnota li l-approċċ eżistenti tad-Dikjarazzjoni Ambjentali dwar il-Prodotti jrid jitwessa' u li għandu jintuża bħala input għall-valutazzjoni tal-bini bħall-qafas Level(s); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti dwar dawn il-kwistjonijiet bħala parti mill-pjan ta' azzjoni għal ekonomija ċirkolari u l-istrateġija għal ambjent mibni sostenibbli;

49.

Jenfasizza li l-bliet se jkunu dejjem aktar soġġetti għal temperaturi ogħla fis-sajf minħabba t-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll il-benefiċċji multipli tas-soluzzjonijiet ta' infrastruttura ekoloġika fit-titjib tal-kwalità tal-arja, il-kumdità u r-reżiljenza klimatika, billi sostanzjalment inaqqsu t-talba għall-enerġija, jgħinu jirrestawraw iċ-ċiklu tal-ilma u jappoġġaw il-bijodiversità urbana, filwaqt li jikkontribwixxu għall-prinċipji ta' cirkolarità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinċentivaw l-użu ta' materjali tal-bini naturali u baxxi fl-emissjonijiet tal-karbonju, it-tqegħid ta' soqfa u ħitan ekoloġiċi, uċuh friski u tekniki oħra passivi waqt rinnovazzjonijiet maġġuri tal-bini u l-kostruzzjoni ta' bini ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn il-kunsiderazzjonijiet u tippromwovi soluzzjonijiet ta' infrastruttura ekoloġika u karatteristiċi ta' bijodiversità fl-inizjattiva tal-mewġa ta' rinnovazzjoni;

50.

Ifakkar li materjali sostenibbli tal-bini bħall-injam ċertifikat huma essenzjali biex jinkiseb stokk tal-bini b'karbonju baxx u fit-tul, u li l-kostruzzjoni tiftaħ opportunità biex il-karbonju jinħażen fi prodotti tal-bini b'bażi bijoloġika fil-limiti ta' disponibbiltà sostenibbli;

51.

Jenfasizza l-importanza li jiġu riveduti l-istandards armonizzati eżistenti sabiex jiġi kopert ir-rendiment tas-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini li għandhom ikunu koerenti mal-approċċ Ewropew komuni għall-kalkolu taċ-ċiklu tal-ħajja u l-istandards Ewropej eżistenti, jiġifieri EN 15978 għall-bini u EN 15804 għall-prodotti għall-bini; jisħaq fuq il-fatt li, meta jiġu ddisinjati rinnovazzjonijiet, l-impatt tal-enerġija u l-klima taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini għandu jiġi ottimizzat f'konformità mal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, filwaqt li jitqiesu l-effetti tal-manifattura, tal-użu u tad-disinn għar-riċiklabbiltà tal-prodotti u tal-iskart tal-kostruzzjoni u t-tagħmir meħtieġ għat-tiswija; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn fl-istrateġija dwar l-ekonomija ċirkolari u, sal-2021, tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 305/2011 dwar kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini (27) sabiex tippermetti funzjonament tajjeb tas-suq intern ta' dawn il-prodotti u tippremja r-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika bil-għan li tappoġġa r-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni ta' bini effiċjenti ħafna fl-enerġija;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tidentifika l-aħjar prattiki biex l-IRPs jinkludu wkoll il-bini storiku u ta' wirt kulturali; jirrikonoxxi l-ispeċifiċità u l-fraġilità tal-bini ta' wirt kulturali, u jemmen li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-protezzjoni tal-bini u r-rendiment akbar tal-enerġija jistgħu jkunu rikonċiljati filwaqt li jissottolinja li r-rinnovazzjoni tal-bini ta' wirt kulturali għandha dejjem issir skont ir-regoli nazzjonali ta' konservazzjoni, il-Karta ta' Venezja tal-1964 għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti, u l-arkitettura oriġinali;

53.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat iffrankar reali tal-enerġija permezz ta' verifika minn esperti ċċertifikati u sorveljanza tar-rendiment tal-enerġija wara r-rinnovazzjoni, peress li dan se jiżgura rinnovazzjonijiet ta' kwalità għolja, opportunitajiet ta' investiment imtejba u kosteffettività akbar (28);

54.

Jistieden lill-Istati Membri jimmassimizzaw u jippromwovu l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta' materjali, inkluż fl-istrateġiji ta' akkwist tagħhom u fi proġetti ta' rinnovazzjoni u kostruzzjoni ffinanzjati pubblikament, pereżempju billi jirieżamaw il-miri ta' akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) (29) u billi jintegraw il-kriterji tal-effiċjenza enerġetika, ambjentali u soċjali għar-rinnovazzjonijiet tal-bini, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fl-offerti pubbliċi; ifakkar fl-importanza ta' materjali tal-bini miksuba lokalment sabiex jiġu ppreservati t-tradizzjonijiet tal-bini, jiġi żgurat materjal li jkun l-aktar adattat għall-kundizzjonijiet klimatiċi ta' kull reġjun u jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-ispejjeż tat-trasport;

Standards, ħiliet u bini tajjeb għas-saħħa

55.

Jissottolinja l-importanza tal-benefiċċji kollaterali b'rekwiżiti ta' rinnovazzjoni fil-punti ta' skattar, billi tali rekwiżiti mhux biss iwasslu għall-iffrankar tal-enerġija iżda wkoll iżidu l-valur tal-proprjetà u jipprovdu appoġġ għall-ostakoli bħal inċentivi opposti; jemmen li rinnovazzjoni estensiva inkluża rinnovazzjoni estensiva tal-bini fi stadji bl-agħar rendiment għandha tingħata prijorità b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (MEPS) li huma essenzjali għall-investiment fir-rinnovazzjoni u għandhom japplikaw b'mod orizzontali, filwaqt li tkun ibbażata fuq it-tikketti tal-enerġija nazzjonali eżistenti; iqis li tali miżuri huma ta' benefiċċju għall-okkupanti u jistgħu jgħinu biex joħorġu liċ-ċittadini mill-faqar enerġetiku (30); josserva l-livelli baxxi ta' rinnovazzjonijiet estensivi b'rata mistennija ta' 0,2 %; jissuġġerixxi l-eżami u l-introduzzjoni ta' rati minimi ta' rinnovazzjoni sabiex jintlaħqu l-miri tan-newtralità klimatika tal-2050;

56.

Jissottolinja li MEPS li jsiru progressivament aktar stretti jgħinu biex jitħaddmu strateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul meta jiġu ppjanati u implimentati b'mod gradwali korrettament, u tinħoloq sigurtà tal-investiment għas-suq, speċjalment jekk dawn ikunu akkumpanjati minn tisħiħ tal-kapaċitajiet, pariri mfassla apposta, assistenza teknika u appoġġ finanzjarju;

57.

Jitlob approċċ ibbażat fuq l-evidenza aktar b'saħħtu li, bl-użu ta' data affidabbli u msaħħa, jippermetti li l-effiċjenza enerġetika fil-bini u l-miżuri kosteffettivi jiġu stmati b'mod preċiż, filwaqt li jrawwem kundizzjonijiet ekwi għall-“aħjar prattiki” f'soluzzjonijiet kosteffettivi fl-UE;

58.

Jinsab konvint li l-introduzzjoni ta' passaport ta' rinnovazzjoni tal-bini maħsub biex iħeġġeġ, jikkoordina u jżomm rendikont ta' titjib kontinwu u jimmonitorja l-profondità tar-rinnovazzjoni u r-rendiment fl-użu tal-enerġija hija ta' benefiċċju għas-sidien tad-djar, l-operaturi tal-bini u l-kerrejja, li għandu jkollhom aċċess għall-passaport tar-rinnovazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li dan il-passaport ta' rinnovazzjoni għandu jkun għodda komuni tal-UE adattata għall-partikolaritajiet nazzjonali u reġjonali biex tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-eteroġeneità tal-istokk tal-bini u tkun allinjata maċ-ċertfikat ta' rendiment tal-enerġija eżistenti tal-bini;

59.

Jenfasizza l-importanza li l-informazzjoni dwar il-bini tiġi kkonsolidata f'għodda diġitali unika; iqis li dan għandu jinkludi l-potenzjal għaċ-ċirkolarità tal-materjali, l-evalwazzjoni tal-fatturi tal-kwalità tal-arja ġewwa l-bini, inkluż minn perspettiva ta' saħħa u sikurezza, u indikaturi sodi bbażati fuq l-għodod u l-istandards ambjentali eżistenti;

60.

Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-pjan ta' rkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 għat-taħriġ u l-kwalifiki tal-ħaddiema fis-setturi tal-kostruzzjoni u tar-rinnovazzjoni, u għat-titjib tal-ħiliet u ta' ħiliet ġodda tal-ħaddiema f'reġjuni milquta, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju;

61.

Jenfasizza li l-proġetti ta' rinnovazzjoni tal-bini għandhom dejjem iwasslu għal binjiet tajbin għas-saħħa u mingħajr moffa, filwaqt li titqies il-kwalità ambjentali ta' ġewwa (IEQ); jenfasizza li r-reviżjoni tal-istandards għall-kwalità tal-arja, il-kundizzjonijiet termiċi u aspetti oħra tas-saħħa relatati mal-ambjent fuq ġewwa u aspetti ta' kumdità li jinkludu dawl suffiċjenti matul il-jum u ventilazzjoni mekkanika, jikkontribwixxu għas-saħħa u l-produttività tal-utenti tal-bini u jtejbu r-rendiment tagħhom fix-xogħol jew fit-tagħlim kif ukoll fl-iffrankar sinifikanti fil-benefiċċji soċjali, b'hekk jonqsu l-ispejjeż pubbliċi tal-Istati Membri u tibbenefika l-ekonomija tal-UE u taċ-ċittadini kollha tagħha;

62.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat livell adegwat ta' għarfien dwar il-manutenzjoni u l-użu tal-bini mill-professjonisti u mill-okkupanti tal-bini, inkluża bidla fl-imġiba, biex jinkisbu b'mod sħiħ il-benefiċċji assoċjati ma' żieda fir-rendiment tal-enerġija;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tvara inizjattiva tal-ħiliet u informazzjoni tal-UE fis-settur tar-rinnovazzjoni u tal-bini, li tkun tinkludi dimensjoni tal-ġeneru, sabiex tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati fit-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, b'enfasi fuq l-impjiegi, b'mod partikolari biex tattira liż-żgħażagħ jaħdmu fis-settur tar-rinnovazzjoni; jissottolinja li l-iżgurar tal-kwalità, il-konformità u s-sikurezza jirrikjedu li l-professjonisti involuti matul il-fażijiet ta' disinn u kostruzzjoni/rinnovazzjoni jkunu fil-pussess ta' kompetenzi u ħiliet adegwati, u li dan jinkludi l-intermedjarji, bħall-installaturi, il-periti jew il-kuntratturi; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija nazzjonali għat-titjib tal-ħiliet fis-settur tal-kostruzzjoni li tiffoka fuq l-effiċjenza enerġetika, is-sostenibbiltà tal-materjali u ċ-ċirkolarità, tekniki passivi u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli inkluż l-awtokonsum u s-soluzzjonijiet diġitali u jipprovdu appoġġ speċifiku lill-ħaddiema fl-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħiliet u l-innovazzjoni għall-IRPs permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie mmirati u l-programm Erasmus+ u tistabbilixxi missjoni ta' Orizzont Ewropa dwar ir-rinnovazzjoni tal-komunitajiet u tal-inħawi fil-qrib, kif ukoll l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACE) biex tippromwovi u timplimenta alleanza ta' ħiliet strateġiċi għas-settur tal-kostruzzjoni bil-għan li jitfassal u jitwassal kontenut ta' taħriġ komuni biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-ħiliet eżistenti; jistieden ukoll lill-individwi, lill-intrapriżi u lill-organizzazzjonijiet jagħmlu użu mill-Proġett Pilota ta' Garanzija tal-Ħiliet u tal-Edukazzjoni u minn skemi simili għat-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u tal-edukazzjoni fis-setturi tar-rinnovazzjoni;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika valutazzjonijiet tal-impatt fil-fond tat-tipoloġiji tal-bini, tal-okkupanti u tas-sidien sal-2022 u tiżviluppa qafas leġiżlattiv, bil-ħsieb li jiġu introdotti MEPS għall-bini eżistenti li jridu jsiru progressivament stretti matul iż-żmien f'konformità mal-objettiv tal-2050; jissottolinja li tali standards jgħinu fit-tħaddim tal-perkors lejn stokk ta' bini ferm effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat sa mhux aktar tard mill-2050, u jistgħu jagħtu viżibbiltà u sigurtà lis-suq fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-istokk tal-bini eżistenti; jisħaq fuq il-fatt li l-MEPS fil-livell nazzjonali għandhom ikunu akkumpanjati minn pakkett komprensiv ta' miżuri ta' politika li jinkludi tal-inqas informazzjoni u provvista ta' pariri mfassla apposta għaċ-ċittadini u appoġġ ta' finanzjament xieraq;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu passaporti ta' rinnovazzjoni diġitali tal-bini mħaffa sal-2025, inkluża taqsima li tipprovdi informazzjoni dwar it-titjib tal-kwalità tal-arja interna u tal-bini tajjeb għas-saħħa;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa “kalkulatur tal-klima tal-UE” (ECC) bħala parti mill-“mewġa ta' rinnovazzjoni” tagħha li jiżgura tikkettar preċiż u faċli biex jinftiehem għall-materjali, il-prodotti u s-servizzi tal-bini relatati mar-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE fit-tħejjija lejn l-2050; jisħaq fuq il-fatt li l-ECC għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-atturi ewlenin li jagħmlu parti mill-impronta tal-gassijiet serra (GHG) tal-IRPs, jew li huma relatati magħha, fi ħdan l-istokk tal-bini tal-UE u li tali “approċċ olistiku” jagħti lok għal effetti pożittivi fuq l-imġiba taċ-ċittadini, l-industriji u l-SMEs tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-kunċett għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tiġi xprunata d-domanda għal prodotti “magħmula fl-Ewropa” li ma jagħmlux ħsara lill-klima, filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-bini tal-UE; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tuża metodi xjentifiċi diġà magħrufa meta tistma l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, pereżempju billi tieħu ispirazzjoni mill-“impronta ambjentali tal-prodotti” tagħha;

68.

Jitlob li r-reviżjoni li jmiss tal-EED tinkludi livell ogħla ta' ambizzjoni fl-Artikoli 3, 5 u 18 u li jiġi żviluppat approċċ ġdid lejn id-definizzjoni tal-istandards tal-bini li jikkonformaw mal-miri tal-UE għall-klima u l-enerġija meta tkun qed tiġi riveduta l-EPBD;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-impatt taċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija (EPCs) fl-Istati Membri u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti; jinnota li l-affidabbiltà, il-konsistenza u l-komparabbiltà tal-EPCs madwar l-UE għandhom jittejbu sabiex l-EPCs ikunu jistgħu jsiru għodda tas-suq affidabbli li tivvaluta r-rendiment u l-kwalità tal-bini, speċjalment għas-settur finanzjarju;

Diġitalizzazzjoni u data affidabbli

70.

Iqis id-diġitalizzazzjoni bħala faċilitatur għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija permezz tal-ġenerazzjoni distribwita, il-ħżin, il-flessibbiltà u l-integrazzjoni u l-akkoppjament tas-settur; jissottolinja r-rwol tad-diġitalizzazzjoni u tad-data fl-aċċellerazzjoni tal-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ tar-riżultati tal-pjanijiet ta' rinnovazzjoni, kif ukoll għal ippjanar u ġestjoni tal-enerġija aktar effiċjenti;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-affidabbiltà u n-nuqqas ta' data relatata mal-bini u tqis kif użu ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv sabiex jiġi żgurat approċċ b'saħħtu bbażat fuq l-evidenza meta jiġu adottati politiki relatati mal-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu diġitalizzati l-bażijiet tad-data nazzjonali tal-EPC, id-data dwar il-bini u informazzjoni oħra dwar il-kostruzzjoni li għandhom ikunu disponibbli meta ssir applikazzjoni għal passaport diġitali tal-bini u applikazzjonijiet oħra tal-bini intelliġenti;

72.

Iqis l-“Internet tal-Oġġetti” bħala mezz biex jitkejjel l-impatt reali tar-rinnovazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u bħala fattur abilitanti ta' strateġiji ta' rinnovazzjoni kosteffettivi fuq skala kbira; jenfasizza ir-rwol potenzjali li l-intelliġenza artifiċjali integrata jista' jkollha fl-analiżi u fil-monitoraġġ, l-immaniġġjar u l-aġġustament tad-data dwar il-konsum tal-enerġija fil-bini;

73.

Iqis li d-diġitalizzazzjoni tal-bini u t-teknoloġiji tal-kostruzzjoni huma xprunaturi ewlenin għal aktar effiċjenza enerġetika; jistieden lill-atturi lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej kollha involuti jiżvolġu rwol proattiv fil-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni;

74.

Jenfasizza l-benefiċċji ta' netwerks ta' kapaċità għolja ħafna għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni biex irawmu djar intelliġenti, li huma mifhuma bħala dawk integrati f'ekosistema tal-enerġija diġitali usa' li tippermetti li l-bini jibbenefika minn u jipprovdi funzjonalitajiet intelliġenti u jippermetti l-integrazzjoni u l-iffrankar tal-enerġija f'diversi setturi tal-ekonomija, inkluża r-reazzjoni min-naħa tad-domanda u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-enerġija fil-bini bħal apparat intelliġenti, apparat ta' awtomatizzazzjoni għad-dar, pompi tas-sħana elettriċi, ħżin tal-batteriji, punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi u miters intelliġenti fost teknoloġiji diġitali oħra; jilqa' l-għan tal-EPBD riveduta li tkompli tippromwovi t-teknoloġiji ta' bini intelliġenti, permezz tal-indikatur tal-potenzjal ta' intelliġenza (SRI) bħala għodda ta' sostenn fil-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta' intelliġenza tal-bini u fis-sensibilizzazzjoni fost is-sidien u l-okkupanti tal-bini dwar il-valur tal-awtomatizzazzjoni fil-binjiet u sistemi ta' kontroll (BACSs) għar-rendiment ġenerali tal-bini li l-applikazzjoni tagħhom skont l-Artikoli 14 u 15 għandhom jitwessgħu;

75.

Jenfasizza l-importanza ta' grilji intelliġenti bħala fatturi abilitanti għall-integrazzjoni effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli fil-grilji tal-elettriku u jinkoraġġixxi t-tfittxija għal opportunitajiet ġodda b'interfaċċji mal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) u mal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (DSOs) għal effiċjenza enerġetika u servizzi tal-elettriku aħjar; jisħaq li bini intelliġenti konness ma' nanogrilji jew mikrogrilji jista' jiżgura titjib fl-istabbiltà tal-provvista tal-elettriku u disponibbiltà tas-sistemi ta' tisħin/tkessiħ;

76.

Jissottolinja li d-dritt għall-akkomodazzjoni u d-drittijiet tal-konsumatur jirrikjedu salvagwardji soċjali, il-protezzjoni tad-data, ir-rispett għall-privatezza u l-kunsens f'konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR); jisħaq li s-soluzzjonijiet diġitali pprovduti waqt ir-rinnovazzjonijiet għandhom ikunu intuwittivi, sempliċi u interoperabbli filwaqt li l-installazzjoni tagħhom trid tkun akkumpanjata mit-taħriġ, l-informazzjoni u l-appoġġ meħtieġa għall-okkupanti; jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali mhux intrużivi f'dan ir-rigward;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-ħtieġa li tirrevedi r-rekwiżiti tal-infrastruttura tal-iċċarġjar fl-EPBD; jisħaq fuq il-fatt li infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti hija prekundizzjoni għaż-żieda fl-elettromobbiltà nadifa;

Mewġa ta' rinnovazzjoni

78.

Iqis il-mewġa ta' rinnovazzjoni bħala opportunità biex jinkiseb stokk ta' bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija u newtrali għall-klima sal-2050 permezz ta' pjan ta' azzjoni għal IRPs b'enfasi fuq il-komunitajiet, speċjalment għal dawk f'faqar enerġetiku, u biex jiġu pprovduti binjiet tajbin għas-saħħa, deċenti, affordabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fejn in-nies jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u tintlaħaq il-mira ta' emissjonijiet netti żero għall-2050, li jistgħu jiġu implimentati f'sinerġija sħiħa wkoll mal-istrateġija industrijali ġdida għall-Ewropa, l-istrateġija tal-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u l-istrumenti għall-rkupru, kif ukoll l-istrateġiji dwar kif l-Ewropa tista' tiġi adattata għall-era diġitali;

79.

Jinsab konvint li l-mewġa ta' rinnovazzjoni tista' ttaffi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, billi tistimula l-ekonomiji nazzjonali u lokali, u, pereżempju, tħeġġeġ impjiegi ta' kwalità għolja u essenzjali fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-enerġija rinnovabbli u tappoġġa ħaddiema ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li jammontaw għal 97 % tas-settur, u li fl-aħħar mill-aħħar dan jagħti bidu għal opportunitajiet multipli u diversi benefiċċji li jistgħu jinkisbu permezz ta' effiċjenza enerġetika mtejba fl-istokk tal-bini Ewropew, inklużi kobenefiċċji soċjali u ambjentali; jenfasizza li l-mewġa ta' rinnovazzjoni jista' jkollha rwol importanti f'irkupru sostenibbli u tista' tkun ċentrali għal kwalunkwe pjan ta' rkupru ta' wara l-COVID-19; jenfasizza, għalhekk, li l-Kummissjoni ma għandhiex iddewwem din il-proposta u għandha tieħu ħsieb li tipprovdi ħarsa ġenerali tal-għażliet kollha ta' finanzjament disponibbli;

80.

Jesiġi implimentazzjoni ambizzjuża tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa; jissottolinja r-rwol tal-NECPs biex l-opportunitajiet fis-settur tal-bini jiġu massimizzati; jikkonferma d-dedikazzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni u tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-infurzar tal-miżuri inklużi fl-EPBD riveduta;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika Tiġi l-Ewwel” ċentrali għall-proċess ta' rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE f'konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

82.

Jilqa' l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul (LTRSs) tal-Istati Membri fl-istabbiliment ta' objettivi intermedji tal-2030 u l-2040 biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien sinifikanti ta' xi Stati Membri biex jissottomettu l-LTRSs tagħhom; jistieden lil dawn l-Istati Membri jaħtfu l-opportunità ħalli jikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom skont l-EPBD u jissottomettu l-LTRSs imdewma; iħeġġeġ lill-gvernijiet jimplimentaw politiki innovattivi biex jinvolvu liċ-ċittadini b'mod attiv fi programmi tal-effiċjenza enerġetika; iqis li l-LTRSs għandhom jiġu rikonoxxuti bħala strument ewlieni għall-ippjanar, il-kejl tal-progress u l-ilħuq tal-objettivi tal-effiċjenza enerġetika;

83.

Jenfasizza li għandu jinkiseb stokk tal-bini dekarbonizzat b'effiċjenza enerġetika għolja permezz ta' tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija bl-implimentazzjoni ta' politiki b'saħħithom u li jippermettu l-effiċjenza enerġetika, filwaqt li jkopru l-ħtiġijiet residwi b'enerġija rinnovabbli; jissottolinja li r-rinnovazzjoni tal-bini għandha tiġi integrata ma' sforzi usa' biex tiġi dekarbonizzata s-sistema tal-enerġija u tmur id f'id mal-investimenti pereżempju f'networks tal-enerġija distrettwali u pompi tas-sħana effiċjenti billi jittieħed approċċ tas-sistema/distrettwali li jintegra l-miżuri potenzjali kollha tal-effiċjenza bħall-irkupru ta' sħana eċċessiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti azzjonijiet konkreti li jwettqu l-potenzjali identifikati għal koġenerazzjoni u tisħin distrettwali b'effiċjenza għolja; jenfasizza li dan l-approċċ sistemiku huwa meħtieġ sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti ħafna fl-enerġija, ibbażata għalkollox fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jiġi żgurat l-allinjament mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 1,5 oC;

84.

Jilqa' l-avviż li sar mill-Kummissjoni biex jiġu promossi rinnovazzjonijiet fl-iskejjel, l-isptarijiet u d-djar għal dawk fil-bżonn, partikolarment l-istokk tal-bini pubbliku, li spiss ikun fl-agħar kundizzjoni; jenfasizza, madankollu, l-isfida tal-indirizzar tal-istokk kbir tal-bini residenzjali li jirrappreżenta 75 % tal-ispazju ta' art mibni fl-UE;

85.

Jaqbel mal-analiżi li hemm għadd kbir ta' benefiċċji li jakkumpanjaw ir-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika fil-bini bħat-tagħlim aħjar, l-irkupru aktar malajr, u l-fatt li n-nies jinħarġu mill-faqar enerġetiku; jindika t-titjib fil-kwalità tal-arja ta' ġewwa u ta' barra, it-tnaqqis fl-emissjonijiet, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, it-titjib fil-kumdità termika, u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni; jitlob l-inklużjoni sistematika ta' dawn il-benefiċċji fl-IRPs;

86.

Jistieden lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' komunikazzjoni transsettorjali, speċifiċi għall-pajjiż u mfassla apposta għad-diversi opportunitajiet u l-benefiċċji varji miksuba permezz ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini, kif ukoll jipprovdu informazzjoni dwar il-punti uniċi ta' servizz u l-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli, inkluż mil-livell tal-UE;

87.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-miżuri tal-mewġa ta' rinnovazzjoni fil-leġiżlazzjoni l-ġdida u riveduta tal-UE u tirrieżamina l-miri tal-klima u l-enerġija għall-2030 filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju ta' sussidjarjetà u kosteffiċjenza, biex tippermetti sinerġiji bejn l-atti differenti ta' leġiżlazzjoni u li għandhom jitpoġġew fuq trajettorja lejn in-newtralità klimatika, filwaqt li tiżgura li l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, inkluża r-rinnovazzjoni tal-bini tiġi integrata bħala politika ewlenija biex timtela l-lakuna fil-miri għall-2030; jissottolinja l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju biex tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni għas-sidien u l-kerrejja;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-LTRSs u toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li jenfasizzaw kemm il-lakuni eżistenti kif ukoll l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni u tirrevedi l-LTRSs tagħhom kull 5 snin f'konformità maċ-ċiklu ta' rendikont tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC) u mal-arkitettura ta' żieda tiegħu, sabiex jiġi żgurat l-ilħuq tal-objettiv ta' stokk tal-bini ferm effiċjenti fl-użu tal-enerġija u newtrali għall-klima; jistieden lill-Istati Membri jħaddnu l-LTRSs bħala għodda biex jiġu stabbiliti stimolu u perkors ta' rkupru ekonomiċi, li jirrikjedi l-finalizzazzjoni ambizzjuża, dettaljata u urġenti tagħhom; jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex iressqu l-LTRS tagħhom bħala kwistjoni ta' urġenza;

89.

Jitlob li s-settur tal-bini u s-setturi ta' rinnovazzjoni, speċjalment l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, jiġu inklużi fil-pakketti ta' rkupru; jitlob li tingħata prijorità lill-investimenti fir-rinnovazzjonijiet tal-bini lejn stokk tal-bini effiċjenti ħafna fl-enerġija u bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli fil-pjan ta' stimolu ekonomiku;

o

o o

90.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri.

(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210.

(2)  ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75.

(3)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(4)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(5)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.

(6)  ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.

(7)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(8)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(9)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(10)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2020)0001.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

(13)  Testi adottati, P8_TA(2019)0217.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2018)0438.

(15)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 10.

(16)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 23.

(17)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 35.

(18)  Ürge-Vorsatz, Diana, Tillo-Herrero, Sergio, Fegyverneky, Sándor, Arena, Daniele, Butcher, Andrew u Teledy, Almos, Employment Impacts of a Large-Scale Deep Building Energy Retrofit Programme in Hungary , 2010; Janssen, Rod and Staniaszek, Dan, How Many Jobs? A Survey of the Employment Effects of Investment in Energy Efficiency of Buildings, The Energy Efficiency Industrial Forum, 2012.

(19)  Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: Over half a million premature deaths annually in the European Region attributable to household and ambient air pollution (Aktar minn nofs miljun ta' mwiet qabel iż-żmien kull sena fir-Reġjun Ewropew huma attribwibbli għat-tniġġis tal-arja ambjentali u fid-djar), 2018.

(20)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(21)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640).

(22)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210); Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75); Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(23)  Castellazzi, L., Bertoldi, P., Economidou, M., Overcoming the split incentive barrier in the building sectors: unlocking the energy efficiency potential in the rental & multifamily sectors, il-Lussemburgu, uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tal-Unjoni Ewropea, 2017, https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC101251/ldna28058enn.pdf

(24)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(25)  Hyland, Marie, Lyons, Ronan, Lyons, Sean, The value of domestic building energy efficiency – evidence from Ireland, Energy Economics, Vol. 40, 2012; Mangold, Mikael, Österbring, Magnus, Wallbaum, Holger, Thuvander, Liane, Femenias, Paula, Socio-economic impact of renovation and retrofitting of the Gothenburg building stock, Energy and Buildings, Vol. 123, 2016.

(26)  Rapport Speċjali Nru 11/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-28 ta' April 2020 intitolat “Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: għadu jinħtieġ fokus akbar fuq il-kosteffettività”, https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=53483

(27)  Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5).

(28)  Qorti Ewropea tal-Awdituri, op. cit.

(29)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 bit-titolu “Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar” (COM(2008)0400).

(30)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (SWD(2016)0414).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/83


P9_TA(2020)0228

Nuqqas ta' mediċini – kif nindirizzaw problema emerġenti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar in-nuqqas ta' mediċini – kif nindirizzaw problema emerġenti (2020/2071(INI))

(2021/C 385/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 6(1) tat-TUE u l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għal kura preventiva tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej kollha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat,

wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-TFUE, li jiddisponi li livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 81 tagħha rigward provvista xierqa u kontinwa ta' prodotti mediċinali, u l-Artikolu 23a tagħha dwar in-notifika lill-awtorità kompetenti jekk jieqaf it-tqegħid fis-suq ta' prodott, b'mod temporanju jew permanenti,

wara li kkunsidra r-rapport ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 59(4) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (COM(2017)0135),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2010 dwar “Ekwità u Saħħa fil-Politiki Kollha: Is-Solidarjetà fis-Saħħa”,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/161 tat-2 ta' Ottubru 2015 li jissupplimenta lid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-karatteristiki tas-sigurtà li jkunu jidhru fuq il-pakketti tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/745 dwar l-apparati mediċi, rigward id-dati tal-applikazzjoni ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/5 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku u d-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (8),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u li jemenda d-Direttiva 2011/24/UE (COM(2018)0051), u l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament tal-14 ta' Frar 2019 dwar dik il-proposta,

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) u d-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2020 intitolata “Linji gwida dwar il-provvista ideali u razzjonali ta' mediċini biex jiġu evitati skarsezzi matul it-tifqigħa tal-COVID-19” (C(2020)2272),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 dwar “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0456),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 dwar “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa” (COM(2020)0442),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 intitolata “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali: l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-għażliet tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-mediċini (11),

wara li kkunsidra l-linji gwida tat-Task Force dwar id-disponibbiltà ta' prodotti mediċinali awtorizzati għall-użu mill-bniedem u veterinarju, li tlaqqa' l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u d-Diretturi tal-Aġenziji tal-Mediċini (HMA), b'mod partikolari dawk tal-1 ta' Lulju 2019 intitolati “Guidance on detection and notification of shortages of medicinal products for Marketing Authorisation Holders (MAHs) in the Union (EEA)” (EMA/674304/2018) (Gwida dwar id-detezzjoni u n-notifika ta' nuqqas ta' prodotti mediċinali għad-Detenturi tal-Awtorizzazzjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni (MAHs) fl-Unjoni (ŻEE) u dawk tal-4 ta' Lulju 2019 intitolati “Good practice guidance for communication to the public on medicines' availability issues” (EMA/632473/2018) (Gwida dwar il-prattika tajba għall-komunikazzjoni lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' disponibbiltà tal-mediċini),

wara li kkunsidra l-pjattaformi li għadhom kemm inħolqu fid-dawl tal-kriżi attwali tal-COVID-19, bħas-sistema ta' Punti Uniċi ta' Kuntatt tal-Industrija (I-SPOC) tal-EMA, li qed tissimplifika l-proċess tar-rappurtar ta' nuqqasijiet potenzjali ta' mediċini sabiex tipprevenihom u biex dawn in-nuqqasijiet jiġu identifikati malajr kemm jista' jkun; wara li kkunsidra l-fatt li dawn il-pjattaformi ppermettew u ffaċilitaw djalogu dwar in-nuqqasijiet bejn il-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista farmaċewtika u r-regolaturi farmaċewtiċi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) intitolat “The selection of essential drugs: report of a WHO expert committee [meeting held in Geneva from 17 to 21 October 1977]” (L-għażla ta' mediċini essenzjali rapport ta' kumitat ta' esperti tad-WHO [imlaqqa' f'Ġinevra mis-17 sal-21 ta' Ottubru 1977]) (Sensiela ta' Rapporti Tekniċi tad-WHO, Nru 615), ir-rapport tas-Segretarjat tad-WHO tas-7 ta' Diċembru 2001 intitolat “WHO medicines strategy: revised procedure for updating WHO's Model List of Essential Drugs” (EB109/8) (Strateġija tad-WHO dwar il-mediċini: proċedura riveduta għall-aġġornament tal-Lista Mudell tad-WHO ta' Mediċini Essenzjali), ir-rapport tad-WHO ta' Marzu 2015 intitolat “Access to new medicines in Europe” (Aċċess għal mediċini ġodda fl-Ewropa), u r-rapport tad-WHO tad-9 ta' Lulju 2013 intitolat “Priority Medicines for Europe and the World” (Mediċini Prijoritarji għall-Ewropa u għad-Dinja),

wara li kkunsidra l-approċċ “Dinja Waħda, Saħħa Waħda” tad-WHO,

wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 3 tan-NU, “Jiġu żgurati ħajjiet f'saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f'kull età”,

wara li kkunsidra r-Rapport Nru 737 tas-Senat Franċiż tas-27 ta' Settembru 2018 dwar nuqqasijiet ta' mediċini u vaċċini – niffukaw aktar fuq kwistjonijiet ta' saħħa pubblika fil-katina tal-provvista tal-mediċini), imfassal minn Jean-Pierre Decool f'isem il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tas-Senat dwar in-nuqqas ta' mediċini u ta' vaċċini,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar investiment dirett barrani u l-moviment liberu tal-kapital minn pajjiżi terzi, u l-protezzjoni tal-assi strateġiċi tal-Ewropa fil-kuntest tal-emerġenza tal-COVID-19, qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/452 (ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tad-DFI), li se jkun qed jopera b'mod sħiħ mill-11 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Livell Għoli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-2016 dwar l-aċċess għall-mediċini intitolat “Promoting innovation and access to health technologies” (Il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-aċċess għat-teknoloġiji tas-saħħa),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (12),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0142/2020),

A.

billi l-problema li ilha teżisti ta' nuqqasijiet ta' mediċini fl-UE kibret b'mod esponenzjali f'dawn l-aħħar snin; billi ż-żieda fid-domanda globali, kif ukoll il-pandemija tal-COVID-19, komplew jaggravaw in-nuqqasijiet ta' mediċini, filwaqt li dgħajfu s-servizzi tas-saħħa fl-Istati Membri u ġabu riskji konsiderevoli għas-saħħa u l-kura tal-pazjenti, inklużi l-progressjoni tal-mard u/jew l-aggravar tas-sintomi, żieda fid-dewmien jew interruzzjoni tal-kura jew tat-terapija, perjodi itwal l-isptar, żieda fl-esponiment għal mediċini ffalsifikati, żbalji fil-medikazzjoni jew avvenimenti avversi li jseħħu meta l-mediċina nieqsa tkun issostitwita b'oħra, trażmissjoni evitabbli ta' mard infettiv, tbatija psikoloġika sinifikanti u żieda fin-nefqa għas-sistema tal-kura tas-saħħa; billi huwa d-dmir tal-Istati Membri li jsibu soluzzjonijiet rapidi u effettivi, anki permezz ta' koordinazzjoni u azzjoni Ewropea komuni;

B.

billi t-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjaraw li kull persuna għandu jkollha aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva u d-dritt li tgawdi minn trattament mediku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali; billi dan id-dritt għandu jiġi infurzat għaċ-ċittadini kollha, inkluż dawk li jgħixu fl-Istati Membri ż-żgħar u fiż-żoni l-aktar periferiċi tal-Unjoni; billi n-nuqqas ta' mediċini huwa theddida għas-saħħa pubblika li qed tikber b'impatt gravi fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u d-dritt ta' kull pazjent fl-UE li jkollu aċċess għal trattament mediku xieraq;

C.

billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE u tad-WHO, u tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 3, huwa li jiġi żgurat aċċess tal-pazjenti għal mediċini essenzjali; billi l-aċċess universali għall-mediċini jiddependi mid-disponibbiltà fil-pront tagħhom u mill-affordabbiltà tagħhom għal kulħadd, mingħajr ebda diskriminazzjoni ġeografika;

D.

billi l-pazjenti għandu jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u l-possibbiltajiet ta' trattament tal-għażla u l-preferenza tagħhom;

E.

billi l-aċċess għat-testijiet dijanjostiċi u vaċċini xierqa u affordabbli huwa vitali daqs l-aċċess għall-mediċini sikuri, effettivi u affordabbli;

F.

billi n-nuqqasijiet ta' mediċini għandhom kawżi ewlenin multifattorjali u kumplessi; billi xi deċiżjonijiet li jittieħdu mill-industrija farmaċewtika, bħat-twaqqif tal-produzzjoni u l-irtirar ta' prodotti minn swieq inqas profittabbli ta' Stati Membri, spiss ikunu raġuni għal nuqqasijiet ta' mediċini;

G.

billi huwa ta' importanza fundamentali li n-nuqqasijiet ta' mediċini jiġu evitati kif ukoll li l-effetti tagħhom jiġu mmitigati f'każ li jseħħu;

H.

billi strateġija effiċjenti għandha tkopri miżuri biex jiġu mmitigati n-nuqqasijiet ta' mediċini, iżda anke biex jiġi evitat li dawn iseħħu, billi jitqiesu d-diversi kawżi ewlenin tan-nuqqasijiet;

I.

billi m'hemmx definizzjonijiet armonizzati bejn l-Istati Membri ta' “nuqqas”, “tensjonijiet”, “tfixkil fil-provvista”, “stock-out” u “ħżin żejjed”; billi jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn “prodotti mediċinali ta' interess terapewtiku maġġuri” (MITMs) u “mediċini ta' interess sanitarju u strateġiku” (MISSs);

J.

billi n-nuqqasijiet ta' mediċini jimponu spejjeż sinifikanti fuq partijiet ikkonċernati kemm fil-qasam tas-saħħa pubblika kif ukoll f'dak tas-saħħa privata;

K.

billi l-prodotti farmaċewtiċi huma wieħed mill-pilastri tal-kura tas-saħħa, u billi l-aċċess insuffiċjenti għal prodotti mediċinali essenzjali u l-prezzijiet għoljin tal-mediċini innovattivi joħolqu theddida serja għas-saħħa tal-popolazzjoni u għas-sostenibbiltà tas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa;

L.

billi f'ħafna każijiet il-prezzijiet ta' mediċini ġodda, b'mod partikolari t-trattamenti għall-kanċer, żdiedu matul dawn l-aħħar deċennji sal-punt li ħafna ċittadini Ewropej ma jistgħux jaffordjawhom;

M.

billi l-industrija tal-mediċini ġeneriċi u bijosimili tipprovdi l-maġġoranza tal-mediċini lill-pazjenti tal-UE (kważi 70 % tal-prodotti farmaċewtiċi ddispensati);

N.

billi d-dħul ta' prodotti ġeneriċi u bijosimili fis-suq huwa mekkaniżmu importanti biex tiżdied il-kompetizzjoni, jorħsu l-prezzijiet u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa; billi d-dħul fis-suq tagħhom m'għandux jiddewwem;

O.

billi l-manifatturi ta' mediċini ġeneriċi bbażati fl-UE għandhom rwol importanti fl-issodisfar tat-tkabbir fid-domanda għal mediċini affordabbli fl-Istati Membri;

P.

billi l-mediċini għat-trattament tal-kanċer, tad-dijabete, tal-infezzjonijiet u tad-disturbi tas-sistema nervuża jammontaw għal aktar minn nofs il-mediċini li hemm nuqqas tagħhom; billi jidher li l-mediċini li jistgħu jiġu injettati huma l-aktar suxxettibbli għar-riskju ta' nuqqas minħabba l-kumplessità tal-proċess tal-manifattura tagħhom;

Q.

billi n-nuqqasijiet ta' mediċini jistgħu joħolqu riskju għas-suċċess tal-inizjattivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa, bħall-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer;

R.

billi fl-Istati Membri bi swieq żgħar il-mediċini għat-trattament ta' mard rari spiss ma jkunux disponibbli jew ikunu disponibbli biss bi prezzijiet sostanzjalment ogħla minn dawk fi swieq akbar;

S.

billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza ta' suq intern li jiffunzjona sew u ta' ktajjen tal-provvista sodi għall-mediċini u t-tagħmir mediku; billi jinħtieġ djalogu Ewropew dwar kif dan għandu jiġi żgurat;

T.

billi inizjattivi mhux ikkoordinati fil-livell nazzjonali, bħall-kumulazzjoni ta' riżervi u l-penali, mhumiex is-soluzzjoni t-tajba u jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' nuqqasijiet ta' mediċini;

U.

billi t-telf ta' indipendenza Ewropea fis-settur tas-saħħa huwa marbut mar-rilokazzjoni tal-produzzjoni, u b'hekk 40 % tal-prodotti mediċinali lesti kkummerċjalizzati fl-UE llum jiġu minn pajjiżi terzi; billi filwaqt li l-Ewropa għandha impronta tal-manifattura b'saħħitha, il-katina tal-provvista għadha tiddependi b'mod qawwi fuq is-sottokuntratturi biex jipproduċu materja prima farmaċewtika barra l-UE, fejn l-ispejjeż tax-xogħol u l-istandards ambjentali ħafna drabi jkunu aktar baxxi, bir-riżultat li minn 60 % sa 80 % tal-ingredjenti attivi kimiċi jiġu mmanifatturati barra l-UE, prinċipalment fiċ-Ċina u fl-Indja; billi 30 sena ilu dan il-proporzjon kien ta' 20 %; billi ġie rrappurtat li dawk iż-żewġ pajjiżi jipproduċu 60 % tal-parasetamol tad-dinja, 90 % tal-peniċillina tagħha u 50 % tal-ibuprofen tagħha; billi, sal-lum, l-ebda tikketta jew tikkettar viżibbli għall-pazjenti u l-klijenti mhuma meħtieġa għal prodotti mediċinali u ingredjenti farmaċewtiċi attivi (APIs) rigward l-oriġini u l-pajjiż ta' manifattura tagħhom; billi l-aċċess limitat għall-APIs meħtieġa għall-produzzjoni ta' mediċini ġeneriċi joħloq sfida partikolari; billi t-tfixkil fil-katina tal-provvista globali minħabba l-pandemija tal-COVID-19 enfasizza saħansitra aktar id-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi fis-settur tas-saħħa; billi l-pandemija tal-coronavirus il-ġdid żvelat ukoll nuqqasijiet ta' apparat mediku, prodotti mediċi u tagħmir protettiv;

V.

billi l-UE għad għandha settur tal-manifattura tal-prodotti farmaċewtiċi b'saħħtu, b'mod partikolari fis-settur innovattiv, u hija l-akbar esportatur fid-dinja ta' prodotti farmaċewtiċi, bħala parti minn kummerċ globali fil-prodotti farmaċewtiċi; billi l-provvista ta' mediċini ġeneriċi bi prezz aktar baxx li tinvolvi l-manifattura barra l-UE tippermetti l-affordabbiltà tal-mediċini, u tħalli impatt fuq il-baġits tal-kura tas-saħħa u l-aċċess tal-pazjenti tal-Istati Membri;

W.

billi, b'konsegwenza tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, l-UE se tkun qed tħabbat wiċċha ma' kriżi ekonomika li se jkollha impatt fuq in-nuqqasijiet ta' mediċini u l-kompetittività tal-industrija farmaċewtika tagħha;

X.

billi huwa daqstant importanti li jiġu protetti u mrawma s-siti tal-produzzjoni eżistenti fl-UE u li jissaħħaħ il-qasam tar-riċerka tal-Ewropa;

Y.

billi l-konsegwenzi ta' żieda fid-domanda flimkien mal-pressjoni tal-prezzijiet jinkludu l-konċentrazzjoni tal-provvista ta' APIs, tnaqqis fin-numru ta' manifatturi ta' sustanzi kimiċi u nuqqas ta' soluzzjonijiet alternattivi f'każ ta' problemi, kif ġara fil-kriżi attwali tal-COVID-19;

Z.

billi l-istokkijiet ta' prodotti mediċinali ta' interess terapewtiku maġġuri u ta' importanza sanitarja u strateġika mhumiex biżżejjed, il-manifattura tal-APIs hija faċli u rħisa, u m'hemmx provvista biżżejjed, b'mod partikolari, ta' mediċini maturi li huma essenzjali għas-saħħa pubblika; billi l-kumpaniji farmaċewtiċi jaħdmu skont il-metodu “just-in-time”, li jista' jħalli lill-manifatturi vulnerabbli għal xokkijiet fil-provvista fejn ikun hemm interruzzjonijiet mhux antiċipati fil-produzzjoni u l-katina tal-provvista, u fluttwazzjonijiet fid-domanda tas-suq;

AA.

billi l-ipprezzar differenzjali bejn l-Istati Membri jiffaċilita l-“esportazzjonijiet paralleli” lejn il-pajjiżi li fihom il-mediċina inkwistjoni tkun iktar għalja; billi l-esportazzjonijiet paralleli f'xi każijiet jista' jkollhom l-konsegwenza mhux intenzjonata li joħolqu tfixkil fil-provvista fl-Istati Membri, u b'hekk jikkontribwixxu għal żbilanċi fis-suq; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jivvalutaw l-impatt tal-kummerċ parallel u l-kwoti tal-provvista;

AB.

billi fin-nuqqas ta' koordinazzjoni effettiva fil-livell tal-UE, il-kumulazzjoni ta' riżervi mhux xierqa f'ċerti Stati Membri qed twassal għal żbilanċ fis-suq, taggrava n-nuqqasijiet ta' mediċini u tnaqqas l-aċċess għat-trattament għall-pazjenti madwar l-UE;

AC.

billi ntwera li miżuri mhux ikkoordinati fil-livell nazzjonali mhumiex effettivi fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li jinħtieġu koordinazzjoni u djalogu pan-Ewropej;

AD.

billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat kif il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE, ir-regolaturi u l-esperti tal-katina tal-provvista farmaċewtika hija vitali biex ikun hemm rispons għall-kriżijiet tas-saħħa u għat-tfixkil fil-provvista bħan-nuqqasijiet ta' mediċini; billi wriet ukoll l-importanza ta' koordinazzjoni bejn il-politiki u s-servizzi tal-UE sabiex ikun hemm reazzjoni effiċjenti u fil-pront għall-emerġenzi kif ukoll biex jiġu evitati n-nuqqasijiet ta' mediċini, u biex jiġu mmitigati f'każ li jseħħu;

AE.

billi għadd dejjem akbar ta' Stati Membri qed ifittxu li jistabbilixxu kumulazzjonijiet ta' riżervi nazzjonali ta' provvisti mediċi, u ż-żieda sussegwenti fid-domanda b'riżultat ta' dan teċċedi l-previżjonijiet attwali tad-domanda, li huma bbażati fuq il-ħtieġa epidemjoloġika; billi żidiet qawwija f'daqqa fid-domanda jistgħu jqiegħdu pressjoni konsiderevoli fuq il-fornituri u, għaldaqstant, iwasslu għal aktar sfidi fl-issodisfar tad-domanda f'pajjiżi oħra;

AF.

billi l-kriżi finanzjarja tal-2009 ġiegħlet lill-pajjiżi Ewropej jintroduċu miżuri tat-trażżin tal-ispejjeż mhux sostenibbli, bħal mekkaniżmi ta' rkupru u ta' akkwist ineffiċjenti, sabiex titnaqqas in-nefqa farmaċewtika, li wasslet għall-irtirar ta' prodotti u kumpaniji mis-suq;

AG.

billi l-moviment tal-mediċini fis-suq uniku qed ikun imxekkel minħabba n-nuqqas ta' regoli armonizzati bejn l-Istati Membri;

AH.

billi l-emerġenza tal-COVID-19 enfasizzat iż-żieda fir-riskju tat-tentattivi biex jiġu akkwistati kapaċitajiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa permezz ta' investiment dirett barrani u l-ħtieġa li tiġi ppreservata u msaħħa l-kondiviżjoni ta' tali kapaċitajiet prezzjużi fis-suq uniku;

AI.

billi industrija farmaċewtika b'saħħitha, innovattiva u kompetittiva fl-Ewropa hija fl-interess vitali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

AJ.

billi l-industrija farmaċewtika teħtieġ il-qafas legali t-tajjeb biex twettaq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi fl-UE;

AK.

billi l-protezzjoni tal-privattivi toħloq qafas legali, li huwa importanti għall-innovazzjoni farmaċewtika peress li tagħti inċentivi finanzjarji lill-kumpaniji biex ikopru l-ispejjeż tar-riċerka u tal-iżvilupp (R&D) ta' mediċini ġodda;

AL.

billi l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw aktar raġunijiet għall-għoti ta' liċenzji obbligatorji, u li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi emerġenza nazzjonali;

AM.

billi l-mekkaniżmi ta' notifika ta' nuqqas ta' mediċini għall-operaturi tal-katina tal-provvista, u għall-ispiżjara b'mod partikolari, huma attwalment frammentati ħafna fl-Istati Membri; billi dan jista' jipprevjeni l-monitoraġġ u l-komunikazzjoni adegwati bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward tan-nuqqasijiet ta' mediċini;

AN.

billi l-Artikolu 81 tad-Direttiva 2001/83/KE jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġu evitati nuqqasijiet ta' prodotti mediċinali jew kwistjonijiet ta' distribuzzjoni fl-Istati Membri; billi l-Kummissjoni ħarġet linji gwida għal provvista ottimali u razzjonali ta' mediċini sabiex jiġu evitati nuqqasijiet matul il-pandemija tal-COVID-19; billi f'dawn il-linji gwida l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ebda pajjiż mhuwa awtosuffiċjenti fir-rigward tal-materja prima, l-APIs jew il-prodotti intermedji, jew tal-mediċini lesti li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tas-saħħa;

AO.

billi, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, ir-rispons tal-Istati Membri għall-kriżi pandemika tal-COVID-19 irrikjeda żieda sinifikanti fil-produzzjoni kemm ta' APIs kif ukoll ta' prodotti mediċinali fl-UE, u dan kien jeħtieġ riorganizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u tal-linji tal-produzzjoni; billi fid-dikjarazzjonijiet tagħha waqt laqgħa tat-22 ta' April 2020 mal-membri tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) tal-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Stella Kyriakides enfasizzat il-ħtieġa li jiżdiedu l-produzzjoni tal-mediċini u l-livell ta' innovazzjoni fl-UE; billi l-laboratorji farmaċewtiċi żgħar u ta' daqs medju kollha jikkostitwixxu beni li għandu jitħares u art fertili għar-riċerka u l-iskoperti li għandha tiġi sostnuta, peress li jistgħu jipparteċipaw fil-prevenzjoni tan-nuqqasijiet ta' mediċini;

AP.

billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 (13), u l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta' Settembru 2010, it-tnejn saħqu fuq il-ħtieġa li tiġi introdotta proċedura komuni għall-akkwist konġunt ta' kontromiżuri mediċi, u b'mod partikolari ta' vaċċini pandemiċi; billi d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ minn proċeduri ta' akkwist konġunt sakemm dawn il-proċeduri jkunu preċeduti minn Ftehim ta' Akkwist Konġunt tal-Istati Membri parteċipanti;

AQ.

billi l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li, sal-aħħar tal-2020, tippubblika rakkomandazzjonijiet għal strateġija farmaċewtika futura għall-UE;

AR.

billi l-ġestjoni tat-trasport u l-loġistika huma ta' importanza kruċjali għall-provvista ta' mediċini, prodotti farmaċewtiċi, tagħmir mediku, tagħmir ta' protezzjoni personali, provvisti mediċi oħra u materja prima, speċjalment fid-dawl ta' kumplessità dejjem akbar tal-katina tat-trasport; billi huwa importanti li jkun hemm punti ta' qsim tal-fruntieri b'“korsiji ħodor” effiċjenti b'korsiji rapidi sabiex jiġi żgurat il-fluss mhux ostakolat tal-mediċini, jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi u jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi tat-trasport;

AS.

billi għandhom jiġu garantiti standards għoljin ta' sikurezza u l-ħarsien ta' kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema; billi r-regolamentazzjoni farmaċewtika għandha tiżgura l-kwalità, il-kwantità, is-sikurezza u l-effiċjenza tal-provvista tal-mediċini bejn l-Istati Membri;

AT.

billi l-pazjenti jiddependu fuq aċċess ekwu u effiċjenti għall-mediċini abbażi ta' suq uniku sostenibbli, kompetittiv, b'diversi sorsi u li jiffunzjona tajjeb, li jinkludi ż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport;

AU.

billi t-tifqigħa tal-COVID-19 enfasizzat il-fatt li ċ-ċirkolazzjoni ta' mediċini fl-UE u barra mill-UE hija kruċjali biex jingħelbu r-restrizzjonijiet eżistenti u biex tingħata prijorità liċ-ċirkolazzjoni ta' oġġetti essenzjali;

AV.

billi huwa neċessarju li jiġi evitat li t-tifqigħa tal-COVID-19 taggrava s-sitwazzjoni soċjoekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini vulnerabbli;

AW.

billi t-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-fatturi li jikkawżaw il-multiplikazzjoni tal-epidemiji kif ukoll l-espansjoni ġeografika u ż-żieda fl-impatt tagħhom, flimkien mal-globalizzazzjoni, mal-urbanizzazzjoni u ma' żieda qawwija fl-ivvjaġġar; billi s-sorveljanza Ewropea ssaħħet fir-rigward ta' mard li jinġarr minn vetturi bħall-malarja, id-dengue, iċ-chikungunya, il-marda tal-virus Zika u d-deni tal-Punent tan-Nil;

AX.

billi hemm żieda fil-korrelazzjoni bejn il-qerda tal-bijodiversità, il-kummerċ illegali tal-fawna u l-flora selvaġġa, il-proliferazzjoni tal-ħabitats artifiċjali u l-ħsara f'żoni naturali b'densità għolja ta' bnedmin, kif ukoll il-metodi ta' produzzjoni tal-ikel insostenibbli u t-tixrid ta' “żoonożi”, jiġifieri t-trażmissjoni ta' patoġeni mill-annimali għall-bnedmin u l-firxa rapida tagħhom; billi l-bijodiversità hija sors importanti għal mediċini eżistenti u għall-iżvilupp potenzjali futur tal-mediċini;

1.

Jenfasizza l-importanza fundamentali ġeostrateġika li l-Unjoni tikseb mill-ġdid l-indipendenza tagħha fir-rigward tal-kura tas-saħħa, tiżgura b'mod rapidu u effiċjenti l-provvista tagħha ta' mediċini affordabbli, tagħmir mediku, apparat mediku, sustanzi attivi, għodod dijanjostiċi u vaċċini, u tipprevjeni n-nuqqasijiet tagħhom, filwaqt li tipprijoritizza l-interess u s-sikurezza tal-pazjenti; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ekwu għall-katina tal-provvista; jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-ħtieġa li l-industrija farmaċewtika tal-Unjoni jkollha katina tal-provvista diversifikata u pjan għall-mitigazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' mediċini biex timmaniġġja kwalunkwe vulnerabbiltà u riskju għall-katina tal-provvista tagħha;

2.

Jirrimarka li filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għad-definizzjoni u l-organizzazzjoni tal-politiki tas-saħħa tagħhom, l-Unjoni hija responsabbli għal-leġiżlazzjoni farmaċewtika kif ukoll għal diversi politiki tas-saħħa pubblika u hija r-responsabbiltà tal-UE li tikkoordina u tikkomplementa miżuri nazzjonali li jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi tas-saħħa affordabbli u ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE;

3.

Jenfasizza l-importanza li l-interessi u s-sikurezza tal-pazjenti dejjem jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki tas-saħħa mingħajr ma tkun permessa diskriminazzjoni fl-aċċess għall-mediċini u t-trattamenti, u l-ħtieġa ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' prattiki tajba; jenfasizza l-ħsara potenzjali lill-pazjenti minħabba nuqqasijiet ta' mediċini u apparat mediku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw mill-qrib biex jipproteġu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-katina tal-provvista tal-kura tas-saħħa u jiżguraw id-disponibbiltà kontinwa ta' mediċini;

4.

Jenfasizza li n-nuqqas ta' mediċini huwa theddida serja għad-dritt għal trattamenti mediċi essenzjali għall-pazjenti fl-UE, u dan joħloq inugwaljanzi bejn il-pazjenti skont il-pajjiż ta' residenza tagħhom u joħloq ukoll tfixkil possibbli fis-suq uniku;

5.

Jenfasizza l-importanza ta' definizzjoni armonizzata fil-livell tal-UE ta' “nuqqas”, “tensjoni”, “tfixkil fil-provvista”, “stock-out” u “ħżin żejjed”; jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur dawn id-definizzjonijiet armonizzati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex issaħħaħ id-definizzjoni ta' “nuqqas” proposta mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u t-Task Force konġunt tal-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Mediċini (HMA) fl-2019; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn “prodotti mediċinali ta' interess terapewtiku maġġuri” (MITMs), jiġifieri mediċini li għalihom interruzzjoni tat-trattament x'aktarx tipperikola l-pronjożi vitali tal-pazjenti fi żmien qasir jew medju jew tnaqqas b'mod sinifikanti ċ-ċansijiet tal-pazjent fir-rigward tal-potenzjal progressiv tal-marda, jew li għalihom m'hemm ebda alternattiva terapewtika xierqa disponibbli fi kwantità suffiċjenti, u “prodotti mediċinali ta' importanza sanitarja u strateġika” (MISSs), li għalihom l-interruzzjoni tat-trattament tikkawża theddida immedjata għall-ħajja tal-pazjent;

6.

Iqis li huwa essenzjali li l-kawżi ewlenin multifattorjali tan-nuqqasijiet ta' mediċini jiġu vvalutati u indirizzati; jilqa', f'dak il-kuntest, is-sejħa għal offerti varata mill-Kummissjoni għal studju dwar il-kawżi ta' nuqqas ta' mediċini fl-Unjoni, u jitlob li l-istudju jiġi ppubblikat sa tmiem is-sena; jitlob, madankollu, li jitwettaq studju ieħor dwar l-impatti tan-nuqqasijiet ta' mediċini fuq il-kura, it-trattament u s-saħħa tal-pazjenti;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet ambizzjużi u konkreti li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fl-istrateġija farmaċewtika ppjanata tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora miżuri għas-settur farmaċewtiku fil-proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta għall-kumpaniji, skedata għall-2021;

8.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal programm ġdid Ewropew fil-qasam tas-saħħa (EU4Health) u l-fatt li wieħed mill-objettivi ddikjarati tiegħu huwa li jippromwovi d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-mediċini u tat-tagħmir mediku; jappella għal azzjoni konġunta dwar il-prevenzjoni tan-nuqqas ta' mediċini, li għandha tiġi ffinanzjata mill-programm futur fil-qasam tas-saħħa;

9.

Ifakkar li n-nuqqas ta' mediċini huwa sfida globali; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal għadd ta' pajjiżi Afrikani, huma dawk l-aktar milquta minn dawn in-nuqqasijiet; iħeġġeġ biex l-aċċess għall-mediċini f'pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġi indirizzat f'kuntest usa' fil-qafas tad-WHO; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari permezz tar-riżerva strateġika tar-rescEU;

10.

Jissottolinja d-dritt fundamentali tal-persuni kollha għal livell ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benesseri tagħhom u tal-familji tagħhom, kif minqux fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-UE hija impenjata li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha, f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, f'konformità sħiħa mal-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 3 “Niżguraw li kulħadd jgħix f'saħħtu u nippromwovu l-benesseri għal kulħadd f'kull età”;

L-iżgurar tal-provvisti fl-interess tal-pazjenti, l-iżgurar tal-aċċess għal trattament mediku għall-pazjenti kollha, u l-istabbiliment mill-ġdid tal-indipendenza tal-UE fis-settur tas-saħħa

11.

Ifakkar li n-nuqqasijiet ta' mediċini għandhom impatt dirett fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti u l-kontinwazzjoni tat-trattament tagħhom; jisħaq li għall-pazjenti, il-konsegwenzi tan-nuqqasijiet ta' mediċini jinkludu: progressjoni tal-marda u/jew sintomi li jmorru għall-agħar minħabba dewmien fit-trattament, trażmissjoni evitabbli ta' mard infettiv, żieda fir-riskju ta' esponiment għal mediċini ffalsifikati u tbatija psikoloġika sinifikanti għall-pazjenti u l-familji tagħhom; ifakkar li ebda Stat Membru mhuwa awtosuffiċjenti fir-rigward tal-materja prima, is-sustanzi intermedji, l-APIs u l-mediċini lesti meħtieġa biex ikun iggarantit il-funzjonament tajjeb tas-sistema tas-saħħa tiegħu;

12.

Jinnota li r-riskji huma partikolarment għoljin għal persuni vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani, in-nisa tqal, il-persuni b'diżabilità, il-pazjenti b'mard kroniku jew bil-kanċer, jew dawk f'taqsima tal-kura intensiva (ICU);

13.

Ifakkar fin-nuqqasijiet ta' mediċini ormonali tan-nisa użati għall-kontraċezzjoni u t-terapija ta' sostituzzjoni tal-ormoni (HRT); jinnota bi tħassib it-theddid li dawn in-nuqqasijiet joħolqu għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-bniet; jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-kontroll u l-ġestjoni tal-manifattura, il-kumulazzjoni ta' riżervi u l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawk il-mediċini biex ikunu żgurati l-kontinwità fil-ktajjen tal-provvista, l-ipprezzar ekwu u d-disponibbiltà għan-nisa;

14.

Jissottolinja li f'diversi Stati Membri, prezz ogħla tal-mediċina sostituta proposta lill-pazjent, rata ta' rimborż aktar baxxa jew nuqqas ta' rimborż jikkostitwixxu ostakli maġġuri għall-aċċess għall-mediċini għal persuni b'introjtu baxx jew għal dawk b'kundizzjonijiet kroniċi; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għal mediċina sostituta bi prezz ekwivalenti jew soġġetta għal rimborż simili f'każ ta' nuqqas ta' provvista;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-Istatistika tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) data dwar ħtiġijiet mhux issodisfati awtorappurtati rigward l-aċċess għall-mediċini, billi bħalissa l-aċċess għall-mediċini mhuwiex imkejjel fl-EU-SILC;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu malajr l-azzjoni meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista ta' prodotti mediċi, inaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi u jappoġġjaw il-manifattura farmaċewtika lokali, għal mediċini ta' interess terapewtiku maġġuri, filwaqt li jagħtu prijorità lill-prodotti mediċinali ta' importanza sanitarja u strateġika f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu, bl-għajnuna tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, mappa tas-siti ta' produzzjoni tal-UE f'pajjiżi terzi u mappa li tevolvi, li għandha tintuża bħala referenza, tas-siti ta' produzzjoni eżistenti u potenzjali fl-UE, sabiex ikunu jistgħu jsostnu, jimmodernizzaw u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, fejn meħtieġ, possibbli u vijabbli; jisħaq fuq l-importanza li l-industrija farmaċewtika jkollha l-kapaċità li tindirizza żidiet f'daqqa fid-domanda f'sitwazzjonijiet kritiċi;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istrateġiji farmaċewtiċi u industrijali li jmiss tagħha tindirizza kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini, mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u mad-dipendenza tal-UE fuq pajjiżi terzi għall-kapaċità tal-manifattura, il-provvista ta' APIs u materjali tal-bidu; jemmen li dawn l-istrateġiji jridu jinkludu miżuri regolatorji u jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta' APIs u mediċini essenzjali fl-Ewropa bil-għan li l-mediċini jkunu disponibbli, affordabbli, sostenibbli u ugwalment aċċessibbli;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel in-nuqqas ta' mediċini wieħed mill-pilastri tal-istrateġija farmaċewtika li jmiss u toħloq forum farmaċewtiku, issorveljat mill-EMA, li jiġbor flimkien lil dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi, il-kontribwenti, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tal-konsumaturi, ir-rappreżentanti tal-industrija u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-katina tal-provvista tal-kura tas-saħħa sabiex jiġu evitati n-nuqqasijiet, jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' sostenibbiltà farmaċewtika u tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija farmaċewtika Ewropea; jistieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u mal-atturi internazzjonali biex jiġu vvalutati trattamenti u vaċċini ġodda, u mal-EMA sabiex jinstabu modi kif jiġu allinjati malajr il-valutazzjonijiet xjentifiċi bejn l-aġenziji nazzjonali, inkluż dwar il-kollaborazzjoni fil-fażi ta' qabel il-valutazzjoni qabel ma ssir disponibbli data klinika kritika, dwar l-allinjament ta' ġenerazzjoni tad-data wara l-approvazzjoni, u dwar approċċi flessibbli biex tittejjeb il-manifattura tat-trattamenti u l-vaċċini;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrateġija farmaċewtika tagħha tkun tassew effettiva biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inammissibbli fi kwalunkwe fażi fiċ-ċirkwit tal-mediċini li jistgħu jimminaw it-trasparenza u r-relazzjonijiet bilanċjati bejn id-diversi entitajiet pubbliċi u privati involuti b'mod dirett jew indirett fit-twettiq tas-servizz pubbliku essenzjali tal-iżgurar tal-aċċess għall-mediċini;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, jekk ikun meħtieġ fl-interess pubbliku, jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' miżuri kif ukoll inċentivi finanzjarji f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u politiki sostenibbli bi tpattija għal impenji, sabiex jipproteġu l-bażi industrijali farmaċewtika b'saħħitha tal-Ewropa u biex jinkoraġġixxu lill-industrija tillokalizza l-operazzjonijiet tagħha fl-UE, mill-produzzjoni tal-APIs għall-manifattura, l-imballaġġ u d-distribuzzjoni tal-mediċini; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu l-operazzjonijiet eżistenti, pereżempju billi jippremjaw l-investimenti fil-kwalità tal-mediċini u fis-sigurtà tal-provvista; jisħaq fuq is-sinifikat strateġiku ta' dan is-settur u l-importanza li jsir investiment fil-kumpaniji Ewropej sabiex jiġu ddiversifikati r-riżorsi u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-produzzjoni innovattivi li jkunu kapaċi jtejbu r-reattività ta' linji tal-produzzjoni sħaħ; ifakkar li l-finanzjament pubbliku kollu jrid ikun jiddependi fuq it-trasparenza u t-traċċabbiltà sħaħ tal-investimenti, fuq l-obbligi tal-provvista fis-suq Ewropew, u fuq il-faċilitazzjoni tal-aħjar eżitu għall-pazjenti, inkluż f'termini ta' aċċessibbiltà u affordabbiltà tal-mediċini manifatturati;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-qafas ekonomiku t-tajjeb biex jiżguraw u jimmodernizzaw il-kapaċitajiet tal-manifattura eżistenti tal-mediċini, it-teknoloġija u l-APIs fl-Ewropa, pereżempju billi jippremjaw l-investimenti fil-kwalità tal-mediċini u fis-sigurtà tal-provvista;

22.

Jisħaq fuq il-fatt li s-settur farmaċewtiku għadu pilastru industrijali importanti kif ukoll sors ewlieni f'termini ta' ħolqien tal-impjiegi;

23.

Iqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jikkostitwixxi opportunità kbira biex il-manifatturi farmaċewtiċi jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-pjan għall-irkupru ekoloġiku billi jipproduċu f'konformità mal-istandards ambjentali u ekoloġiċi;

24.

Jissottolinja li rimpatriju totali tal-ktajjen tal-provvista medika jaf ma jkunx fattibbli f'ekonomija globali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab multilaterali tal-UE, b'mod partikolari d-WHO u d-WTO, biex jistabbilixxu qafas internazzjonali li jiżgura l-kwalità u l-integrità tal-ktajjen tal-provvista globali sabiex jiġi limitat l-użu ta' miżuri protezzjonisti dannużi, filwaqt li jinżammu l-ogħla standards tax-xogħol u ambjentali fil-produzzjoni madwar id-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, f'dak il-kuntest, biex fl-istrateġija farmaċewtika l-ġdida tinkludi miżuri biex tkun tiflaħ għal kwalunkwe tfixkil fil-ktajjen tal-provvista globali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-provvista ta' mediċini, inkluż fil-kuntest tar-rieżami tal-politika kummerċjali li jmiss;

25.

Jinnota li għal ċerti prodotti mediċinali bijoloġiċi bħal dawk derivati mid-demm u mill-plażma, il-fatt li l-Ewropa titħalla żżid il-kapaċità tagħha biex tiġbor id-demm u l-plażma se jkun essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq importazzjonijiet tal-plażma minn pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni taċċelera r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli [id-Direttiva 2002/98/KE (15) u d-Direttiva 2004/23/KE (16)] sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' nuqqasijiet ta' dawn il-prodotti mediċinali essenzjali li jsalvaw il-ħajja;

26.

Ifakkar li l-Artikoli 81 u 23a tad-Direttiva 2001/83/KE stabbilew obbligi ġenerali għall-provvista ta' prodotti mediċinali li għandhom jiġġarrbu mid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni (MAHs) u d-distributuri, kif ukoll obbligu ta' notifika f'każ ta' interruzzjoni temporanja jew permanenti tal-provvista; jiddispjaċih, madankollu, dwar id-disparitajiet osservati mill-Kummissjoni fit-traspożizzjoni ta' dawn l-obbligi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-MAHs u d-distributuri bl-ingrossa jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/83/KE sabiex jiġu żgurati provvisti xierqa u kontinwi ta' mediċini; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika aktar l-obbligi għall-MAHs skont id-Direttiva 2001/83/KE u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jirrapportaw nuqqasijiet ta' mediċini fil-perjodi taż-żmien stabbiliti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu applikati sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati f'każ ta' nonkonformità ma' dawn l-obbligi legali skont il-qafas leġiżlattiv eżistenti;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' pjanijiet armonizzati ta' prevenzjoni u ġestjoni tan-nuqqasijiet li jirrikjedu lill-manifatturi jidentifikaw mediċini ta' interess terapewtiku maġġuri li għalihom għandhom jittieħdu miżuri preventivi u korrettivi sabiex jiġi evitat jew mtaffi kwalunkwe tfixkil fil-provvisti; jirrimarka li tali pjanijiet għandhom jinkludu soluzzjonijiet għall-ħżin strateġiku tal-mediċini sabiex tkun żgurata provvista għal perjodu ta' żmien raġonevoli u mekkaniżmi ta' komunikazzjoni permanenti u trasparenti li permezz tagħhom il-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jirrapportaw u jantiċipaw in-nuqqasijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida biex tiżgura li l-inizjattivi nazzjonali dwar il-kumulazzjoni ta' riżervi jkunu proporzjonati għall-ħtieġa u ma joħolqux konsegwenzi mhux intenzjonati fi Stati Membri oħra;

28.

Jinnota li s-sigurtà tal-provvista hija element essenzjali fil-ġlieda kontra n-nuqqasijiet u trid tintuża bħala kriterju kwalitattiv fil-qafas tal-għoti ta' kuntratti ta' spiżeriji pubbliċi u tas-sejħiet għall-offerti għall-provvista ta' mediċini, kif rakkomandat mill-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24/UE; jenfasizza l-importanza ta' provvisti u prattiki tal-akkwist diversifikati għall-prodotti farmaċewtiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-Direttiva 2014/24/UE, biex tipproponi malajr linji gwida għall-Istati Membri, b'mod partikolari dwar kif l-aħjar jimplimentaw il-kriterji tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża (MEAT), lil hinn mill-kriterji tal-aktar prezzijiet baxxi biss; jipproponi li l-investimenti li jsiru fil-manifattura ta' ingredjenti attivi u prodotti mediċinali lesti fl-UE għandhom jitqiesu wkoll bħala kriterju, kif ukoll in-numru u l-lokazzjoni tas-siti tal-produzzjoni, l-affidabbiltà tal-provvista, l-investiment mill-ġdid tal-profitti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' standards soċjali, ambjentali, etiċi u tal-kwalità;

29.

Jinnota li l-proċeduri ta' akkwist b'offerent wieħed biss li jirnexxi u/jew b'sit ta' produzzjoni wieħed biss tas-sustanza bażika jistgħu jaggravaw il-vulnerabbiltà f'każ ta' tfixkil fil-katina tal-provvisti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' akkwist skont liema l-kuntratti jistgħu jingħataw lil għadd ta' offerenti li jirnexxu, inklużi offerenti konġunti, billi ssir enfasi fuq il-produzzjoni fl-UE u billi jiġu ggarantiti mill-inqas żewġ sorsi differenti għas-sustanza bażika, sabiex tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq u jitnaqqas ir-riskju ta' nuqqasijiet, filwaqt li jiġi żgurat trattament ta' kwalità għolja u affordabbli għall-pazjenti; jitlob lill-Kummissjoni, għal dak il-għan, teżamina l-possibbiltà li jinħoloq qafas leġiżlattiv li jinkoraġġixxi u jippermetti lis-sistemi tal-kura tas-saħħa jvaraw proċeduri ta' sejħiet għall-offerti li jippremjaw lil kumpaniji farmaċewtiċi li jiggarantixxu l-provvista ta' prodotti farmaċewtiċi f'ċirkostanzi diffiċli;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà li joħolqu impriża farmaċewtika Ewropea mingħajr skop ta' qligħ u ta' interess ġenerali waħda, jew aktar minn waħda, li jkunu kapaċi jimmanifatturaw prodotti mediċinali ta' importanza sanitarja u strateġika għall-kura tas-saħħa, fl-assenza ta' produzzjoni industrijali eżistenti, sabiex jikkomplementaw u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista u jiġu evitati nuqqasijiet possibbli ta' mediċini f'każijiet ta' emerġenza; ifakkar fir-rwol essenzjali li t-teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali jista' jkollhom biex ir-riċerkaturi minn laboratorji Ewropej ikunu jistgħu jaħdmu f'network u jikkondividu l-objettivi u r-riżultati tagħhom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-Qafas Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'attenzjoni l-kontribut pożittiv li l-intelliġenza artifiċjali tista' tagħti għall-konsenja rapida u affidabbli ta' provvisti mediċi;

32.

Jenfasizza l-importanza ta' sħubijiet pubbliċi-privati bħall-Inizjattiva Ewropea dwar Mediċini Innovattivi (IMI), fil-qafas ta' programmi għar-riċerka u l-innovazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-ħolqien ta' mudell Ewropew tal-Awtorità Bijomedika għar-Riċerka u l-Iżvilupp Avvanzati tal-Istati Uniti;

33.

Jenfasizza li l-ħtieġa urġenti ta' mediċini u tagħmir mediku ma tridx tkun askapitu tal-kwalità, is-sikurezza, l-effikaċja u l-kosteffettività ta' mediċini għall-użu mill-bniedem u prodotti tas-saħħa;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni kontra t-tixrid ta' mediċini ffalsifikati minn siti web u bejjiegħa mhux awtorizzati, li attwalment qed iqajmu tħassib; iqis li din il-prattika tista' tikkawża ħsara serja u twassal għal problemi serji tas-saħħa jew taggrava l-kundizzjonijiet tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li l-koordinazzjoni tal-UE fl-immappjar u fil-ġlieda kontra l-mediċini kontrafatti hija essenzjali;

35.

Jappella għal djalogu mtejjeb bejn l-industrija farmaċewtika u setturi oħra tal-produzzjoni, bħall-agrikoltura, l-ortikultura u l-forestrija, biex tiġi żviluppata l-produzzjoni tal-ingredjenti attivi fl-UE; jitlob li jsiru sforzi biex tiġi miġġielda l-ispeċjalizzazzjoni żejda f'ċerti setturi u li jsir investiment sostanzjali fir-riċerka, fil-bijoekonomija u fil-bijoteknoloġija, bil-għan tad-diversifikazzjoni tar-riżorsi; iqis li l-irkupru industrijali tal-Ewropa jeħtieġ li jipprijoritizza t-trasformazzjoni dupliċi diġitali u ekoloġika tas-soċjetajiet tagħna u l-bini ta' reżiljenza għal xokkijiet esterni;

36.

Jisħaq fuq l-importanza ta' riċerka u innovazzjoni medika ta' kwalità għolja, inkluż is-settur tal-prodotti li skaditilhom il-privattiva; jitlob li jiġi stabbilit network Ewropew ġenwin biex jappoġġja r-riċerka terapewtika u medika u jissottolinja li l-prezz tar-rilokazzjoni ma jridx iwassal għal deterjorament fil-kwalità tar-riċerka medika; jenfasizza li sistema stabbli ta' riċerka u żvilupp stabbli jista' jkollha impatt pożittiv fuq il-kapaċitajiet ta' produzzjoni u l-istabbiltà tal-provvista;

37.

Jirrikonoxxi li l-industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka hija settur u kontributur essenzjali għall-iżgurar ta' manifattura u provvista ta' kwalità tal-mediċini, għall-iżgurar ta' innovazzjoni futura biex jiġu indirizzati ħtiġijiet pendenti u mhux issodisfati, u għall-appoġġ tar-reżiljenza, ir-reattività u t-tħejjija tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri, inklużi l-pandemiji;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ambjent fejn l-industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka tiġi inċentivata biex tiżviluppa soluzzjonijiet affordabbli għal ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati, bħall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi; jistieden lill-Kummissjoni żżomm sistema tal-proprjetà intellettwali (IP) Ewropea robusta fl-istrateġija farmaċewtika li jmiss, sabiex tinkoraġġixxi r-R&Ż u l-manifattura fl-Ewropa u tiżgura li l-Ewropa tibqa' innovatur u minn ta' quddiem nett fuq livell dinji, u fl-aħħar mill-aħħar tipproteġi u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa fil-qasam tas-saħħa pubblika;

39.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jinċentivaw l-akbar inklużjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) tal-UE fil-katina tal-provvista tal-mediċini meta jitqies ir-rwol ewlieni tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-abbiltà inerenti tagħhom li jadattaw malajr il-fokus tal-produzzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jilqgħu aħjar għal xokkijiet mhux mistennija;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu ambjent li jiżgura li l-Ewropa tibqa' post attraenti għall-investiment fir-R&Ż, sabiex titħares industrija farmaċewtika bbażata fuq ir-riċerka attiva u kompetittiva sostnuta minn aktar investiment fil-kapaċitajiet u l-infrastruttura tar-R&Ż, inklużi l-universitajiet, filwaqt li jitqies il-fatt li l-UE għadha bil-bosta r-reġjun ewlieni fid-dinja għall-manifattura ta' ingredjenti attivi għall-mediċini bi privattiva; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi riżorsi finanzjarji adegwati, fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa u programmi oħra tal-UE, biex issaħħaħ l-attivitajiet ta' riċerka u investiment (R&I) tal-Unjoni b'appoġġ għall-manifattura f'setturi industrijali ewlenin inkluża l-industrija farmaċewtika, filwaqt li tiżgura l-bilanċ ġeografiku u l-parteċipazzjoni ta' Stati Membri bi prestazzjoni baxxa fir-R&I fi proġetti u programmi kollaborattivi tal-UE filwaqt li jitħares il-prinċipju ta' eċċellenza;

41.

Jenfasizza l-fatt li Orizzont 2020 diġà ffinanzja għadd sinifikanti ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni relatati mas-saħħa; jissottolinja li l-finanzjament ta' riċerka relatata mal-coronavirus m'għandux jaffettwa prijoritajiet oħra tas-saħħa ta' Orizzont 2020; jitlob li jiġi pprovdut aktar finanzjament permezz ta' Orizzont Ewropa għall-ħolqien u l-appoġġ ta' ekosistemi ta' riċerka u innovazzjoni ffukati fuq il-mediċina, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati u appoġġ għar-riċerka pubblika f'setturi ta' valur miżjud għoli u innovattivi; jenfasizza li ekosistema ta' riċerka medika ewlenija tirrikjedi ħiliet, networks u konnessjonijiet akkademiċi, infrastruttura tad-data dwar is-saħħa, qafas regolatorju li jiffunzjona u politiki tal-proprjetà intellettwali li jrawmu l-innovazzjoni; jitlob li jsir rieżami tal-inċentivi stabbiliti biex tkun inkoraġġita r-riċerka dwar il-“mediċini orfni” sabiex jiġi determinat humiex effettivi, u jappella għal inċentivi ġodda jekk dan ma jkunx il-każ; jissottolinja li Orizzont Ewropa u programmi oħra tal-UE jeħtieġ li jappoġġjaw mard rari u li r-riċerka, l-aħjar prattiki, il-provi kliniċi u l-medikazzjoni marbuta ma' mard rari jridu jkunu aċċessibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha; ifakkar fl-importanza li l-ħruġ ta' liċenzji mhux esklussiv jista' jkollu biex jittaffew in-nuqqasijiet u biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet tal-mediċini, speċjalment fi żminijiet ta' emerġenza tas-saħħa;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-coronavirus fuq l-industrija u l-SMEs, u tippreżenta strateġija industrijali mġedda tal-UE li tagħti prijorità lit-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika doppja tas-soċjetajiet tagħna u l-bini ta' reżiljenza għal xokkijiet esterni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz meħtieġ biex jiżguraw li l-kumpaniji farmaċewtiċi żgħar u ta' daqs medju jkomplu jew jerġgħu jibdew l-attivitajiet ta' riċerka tagħhom u jgħinu biex jiżguraw id-diversità tal-produzzjoni tagħna u ż-żamma tal-impjiegi li jmorru magħha, filwaqt li jenfasizza wkoll l-importanza ta' manifattura sostenibbli, etika u ta' kwalità għall-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività;

43.

Jenfasizza li l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti għandhom ikunu aktar involuti fid-definizzjoni ta' strateġiji ta' riċerka għal provi kliniċi pubbliċi u privati, sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw il-ħtiġijiet mhux issodisfati ta' pazjenti Ewropej;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-trasparenza tal-investimenti pubbliċi għall-ispejjeż tar-R&Ż tal-mediċini sabiex dawn l-investimenti jiġu riflessi fid-disponibbiltà u l-iffissar tal-prezzijiet għall-pubbliku ġenerali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar id-Direttiva 89/105/KE (17) u jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa fl-istrateġija farmaċewtika li jmiss f'dak ir-rigward, inkluża l-konsiderazzjoni ta' reviżjoni tad-direttiva;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskrinjaw l-investiment dirett barrani fl-impjanti tal-manifattura farmaċewtika, li huma parti mill-infrastruttura tas-saħħa kritika tal-Ewropa;

46.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-pubbliku ġenerali jkollhom aċċess għal mediċini u prodotti tas-saħħa li jkunu sikuri, effettivi u ta' kwalità tajba billi tiġi mmonitorjata u regolata konformità kontinwa ma' prattika klinika tajba rigward l-awtorizzazzjoni tal-provi kliniċi u l-iżvolġiment tagħhom, f'konformità mal-ogħla standards tal-protezzjoni tas-saħħa;

47.

Jitlob li s-suq għall-mediċini Ewropej jissaħħaħ sabiex jitħaffef l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini, il-kura ssir aktar affordabbli, jiġi mmassimizzat l-iffrankar fil-baġits nazzjonali għas-saħħa u jiġu evitati piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji farmaċewtiċi;

48.

Jirrimarka li l-mediċini ġeneriċi u bijosimili jippermettu żieda fil-kompetizzjoni, tnaqqis fil-prezzijiet u ffrankar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa, u b'hekk jgħinu biex jittejjeb l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini;

49.

Jenfasizza li l-valur miżjud u l-impatt ekonomiku ta' mediċini bijosimili fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa għandhom jiġu analizzati, filwaqt li d-dħul tagħhom fis-suq m'għandux jiġi pospost, u, fejn meħtieġ, għandhom jiġu eżaminati miżuri li jappoġġjaw l-introduzzjoni tagħhom fis-suq;

50.

Jiddeplora l-każijiet ta' tilwim bil-għan li jipposponu d-dħul fis-suq ta' mediċini ġeneriċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tmiem tal-perjodu ta' esklussività kummerċjali tal-innovatur jiġi rrispettat;

51.

Huwa mħasseb dwar l-impatt negattiv possibbli tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq il-provvista tal-mediċini, b'mod partikolari għall-Irlanda; jappella għall-inklużjoni fil-ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit ta' dispożizzjonijiet immirati, bħal ftehimiet ta' rikonoxximent reċiproku, li jippermettu liż-żewġ naħat jirreaġixxu għal theddid għas-saħħa emerġenti u jiżguraw aċċess kontinwu u rapidu għal mediċini sikuri u apparat mediku sikur għall-pazjenti u pjanijiet ta' kontinġenza f'każ ta' “ebda ftehim”;

It-tisħiħ tal-azzjoni Ewropea biex il-politiki tas-saħħa tal-Istati Membri jiġu kkoordinati u ssupplementati aħjar

52.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija, taħt it-tmexxija tal-EMA, jaħdmu flimkien biex jintroduċu aktar trasparenza fil-katina tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-mediċini u biex joħolqu unità Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tan-nuqqasijiet;

53.

Jistieden lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u ma' partijiet ikkonċernati affettwati oħra, jeżaminaw simultanjament approċċi alternattivi għall-iżgurar ta' stokkijiet adegwati, bħall-infurzar effettiv tar-rekwiżiti regolatorji eżistenti fuq l-atturi kollha fil-katina ta' provvista fil-livell nazzjonali, flimkien ma' miżuri biex tiżdied it-trasparenza fil-katina tal-provvista;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għas-saħħa fil-livell Ewropew abbażi ta' basket komuni ta' mediċini kontra l-kanċer, l-infezzjonijiet, il-mard rari u oqsma oħra affettwati b'mod partikolari min-nuqqasijiet biex jiġi żgurat li l-pazjenti jkollhom aċċess għat-trattament, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fl-approċċi kliniċi bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni teżamina wkoll il-possibbiltà ta' kriterji armonizzati ta' pprezzar biex dawn il-mediċini jsiru affordabbli f'tentattiv biex jiġu evitati n-nuqqasijiet rikorrenti, filwaqt li jittieħed kont tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist fl-Istati Membri kollha;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-kwistjoni tan-nuqqas ta' mediċini għall-kanċer fiċ-ċentru tal-parti dwar it-trattament tal-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer li jmiss;

56.

Jitlob li jiġi introdott statut speċifiku għal ċerti mediċini maturi li jkun akkumpanjat minn inċentivi għall-manifatturi biex jiksbu l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fis-suq Ewropew u tiġi żgurata d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni Ewropea;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq riżerva ta' kontinġenza Ewropea għal prodotti mediċinali ta' importanza sanitarja u strateġika (MISSs) li jkun hemm riskju għoli ta' nuqqas tagħhom, skont il-mudell tal-mekkaniżmu “rescEU”, sabiex ittaffi n-nuqqasijiet rikorrenti u toħloq spiżerija Ewropea għall-emerġenzi; jinsisti li din ir-riżerva trid tkun proporzjonata għall-objettiv tagħha u għandha tintuża b'mod trasparenti, responsabbli u ekwu għall-Istati Membri kollha; jenfasizza li tali mekkaniżmu għandu jiġi ġestit b'attenzjoni, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-perjodu tal-ħżin u l-evitar tal-ħela;

58.

Jitlob li tinħatar awtorità regolatorja Ewropea biex, flimkien mal-Kummissjoni, twettaq il-kompitu tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu għal allokazzjoni ekwa ta' mediċini mir-riżerva ta' kontinġenza Ewropea lil dawk l-Istati Membri affettwati minn tfixkil jew nuqqasijiet tal-provvista; jistieden lil din l-awtorità regolatorja Ewropea maħtura tippjana rieżamijiet indipendenti u trasparenti biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jiġu ttrattati bl-istess mod;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji innovattivi u kkoordinati u jsaħħu l-iskambji tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-ġestjoni tal-istokkijiet; iqis li l-EMA hija l-korp l-aktar adatt biex jinħatar bħala l-awtorità regolatorja bil-kompitu li tipprevjeni n-nuqqasijiet ta' mediċini fil-livell tal-UE matul l-emerġenzi u warajhom, u li għalhekk għandha tingħata mandat usa' u aktar riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-EMA; jenfasizza li fuq medda twila ta' żmien, l-EMA għandha tkun kapaċi tagħti awtorizzazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni soġġetti għall-issodisfar tar-rekwiżiti ta' provvista u aċċessibbiltà min-naħa tal-manifatturi, mingħajr ma dawn ir-rekwiżiti jwasslu għal nuqqas ta' mediċini; jittama li t-tisħiħ tar-riżorsi tal-EMA jippermettilha żżomm is-sistema attwali ta' spezzjoni tas-siti tal-produzzjoni stabbiliti f'pajjiżi terzi permezz tal-koordinazzjoni tal-ispetturi nazzjonali;

60.

Jitlob li r-Regolament (KE) Nru 141/2000 dwar il-prodotti mediċinali orfni (18) jiġi rivedut sabiex jitreġġa' lura l-oneru tal-provi għall-klawżola ta' esklużività fis-suq ta' 10 snin sabiex id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jkollu juri li l-prodott mhuwiex profittabbli biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tar-R&Ż;

61.

Jistieden lill-Kummissjoni tistudja u tistabbilixxi fond għal mediċini orfni li jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri bil-għan tal-akkwist kollettiv f'isem l-Istati Membri ta' mediċini orfni għall-UE kollha;

62.

Jitlob li jiġu varati aktar proċeduri ta' akkwist konġunt tal-UE biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, speċjalment fi żminijiet ta' kriżijiet tas-saħħa, kif fil-fatt sar wara l-bidu tal-COVID-19, bi proċeduri semplifikati u trasparenti fl-interess ta' titjib fir-reattività; jappella, b'mod partikolari, għall-istabbiliment ta' akkwist konġunt tal-UE għal mediċini biex jiġi ttrattat mard rari sabiex jiġi żgurat li dawn il-mediċini jkunu disponibbli fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni urġenti u possibbilment reviżjoni, permezz ta' regolament, tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Akkwist Konġunt, f'konformità mat-Trattati;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu mill-ġdid l-idea tat-trasparenza ta' pprezzar nett u ta' rimborż ta' trattamenti differenti sabiex l-Istati Membri jitħallew jinnegozjaw fuq l-istess livell mal-kumpaniji farmaċewtiċi għal trattamenti li ma jiġux akkwistati b'mod konġunt;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-involviment tagħha fl-appoġġ tal-protezzjoni tal-infrastruttura tas-saħħa kritika fl-Istati Membri u tibda tapplika l-Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika għas-settur tal-infrastruttura tas-saħħa;

65.

Jappella għall-applikazzjoni sħiħa u rapida tar-Regolament (UE) Nru 536/2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem; iqis li dan ir-regolament jiffaċilita l-varar ta' provi kliniċi kbar imwettqa b'mod armonizzat u kkoordinat fil-livell tal-UE;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EMA jaħdmu mal-industrija biex jiżguraw li l-mediċini li jsiru disponibbli fi Stat Membru wieħed ikunu disponibbli fl-Istati Membri l-oħra kollha, b'mod partikolari fi Stati Membri iżgħar;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-kummerċ parallel fuq in-nuqqas ta' mediċini fl-Istati Membri u tindirizza l-problemi b'mod adegwat billi tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-mediċini jaslu għand il-pazjenti kollha fl-UE fil-ħin; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan ir-rigward, li jiġu inklużi l-esperjenzi tal-pazjenti, il-gruppi tal-konsumaturi u l-professjonisti tas-saħħa;

68.

Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-pazjent u ta' approċċ iċċentrat fuq il-pazjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu r-rappreżentanza u l-kontribut tal-pazjenti fil-proċess deċiżjonali dwar l-indirizzar tal-kwistjonijiet potenzjali rigward il-provvista li jaffettwaw il-mediċini tagħhom;

69.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni komuni u jibdew negozjati dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u li jemenda d-Direttiva 2011/24/UE;

Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma diġitali innovattiva, faċli għall-utent, trasparenti u ċentralizzata għar-rapportar u n-notifika ta' informazzjoni armonizzata pprovduta mill-aġenziji nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-manifatturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-ispiżjara, dwar stokkijiet disponibbli u nuqqasijiet ta' mediċini u tagħmir mediku, u għall-evitar ta' duplikazzjonijiet; jilqa' l-ħidma tat-Task Force konġunta EMA-HMA dwar id-disponibbiltà tal-mediċini u l-introduzzjoni mill-EMA tas-sistemi ta' Punti Uniċi ta' Kuntatt (SPOC) u Punti Uniċi ta' Kuntatt tal-Industrija (i-SPOC); jappella biex is-sistemi ta' informazzjoni eżistenti jiġu evalwati u mtejba sabiex tingħata stampa ċara tad-diffikultajiet, in-nuqqasijiet u r-rekwiżiti f'kull Stat Membru bl-għan li jiġi evitat l-istokkjar żejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tuża u timplimenta l-għodod diġitali u telematiċi fil-livell pan-Ewropew, u tqis l-emendar tar-Regolament dwar il-Varjazzjonijiet (19) u l-Linji Gwida dwar il-Klassifikazzjoni tal-Varjazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' twissija bikrija kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew sabiex isaħħu l-obbligu li l-kumpaniji farmaċewtiċi jiġu nnotifikati dwar kwalunkwe interruzzjoni jew tensjoni fil-provvista tal-mediċini;

71.

Iqis li huwa essenzjali li tittejjeb il-komunikazzjoni bikrija mal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u mal-pazjenti dwar id-disponibbiltà tal-mediċini permezz ta' għodod diġitali innovattivi li jipprovdu data f'ħin reali u aġġornata dwar id-disponibbiltà, il-lokazzjoni, il-kwantità u l-prezz ta' mediċina partikolari, f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data; ifakkar li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata biex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod adegwat għan-nuqqasijiet eżistenti u li jinħolqu; jenfasizza li l-għarfien bikri ta' problema bil-provvista u l-identifikazzjoni bikrija ta' alternattivi terapewtiċi potenzjali jistgħu jsaħħu s-sikurezza tal-pazjenti; jirrakkomanda, għalhekk, l-inklużjoni ta' informazzjoni għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa dwar l-alternattivi disponibbli;

72.

Iqis li l-Istati Membri għandhom jikkondividu mal-atturi involuti kollha informazzjoni bħall-previżjonijiet epidemjoloġiċi biex ikunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom aħjar fir-rigward ta' żieda fid-domanda u jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet fi żminijiet meta jkun hemm nuqqasijiet;

73.

Ifakkar li l-miżinformazzjoni tista' twassal għall-użu mhux xieraq ta' mediċini u l-ħolqien ta' kumulazzjoni ta' riżervi mhux meħtieġa;

74.

Jinnota, f'dak ir-rigward, li n-nies qegħdin jaħżnu l-mediċini minħabba biża' li l-provvista tispiċċa; jistieden lill-gvernijiet jiġġieldu din il-biża' permezz tal-edukazzjoni u r-riassigurazzjoni sabiex jintemm il-konsum eċċessiv tar-riżorsi;

75.

Jitlob li l-informazzjoni stampata tiġi ssupplementata b'fuljett elettroniku ta' tagħrif dwar il-prodott, li għandu jitfassal bil-lingwi kollha għall-pajjiżi kollha fejn il-mediċina tiġi kummerċjalizzata sabiex jiġu ffaċilitati ċ-ċaqliq u l-bejgħ tal-mediċini fis-suq uniku u b'hekk jiġu mmitigati n-nuqqasijiet; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tippermetti lill-manifatturi, fuq bażi volontarja u mingħajr ebda piż addizzjonali għalihom, jintroduċu sistema ta' tikketti – li għandhom ikunu viżibbli u identifikabbli mill-pazjenti u l-klijenti – dwar l-oriġini u l-post tal-produzzjoni tal-prodotti mediċinali u l-ingredjenti attivi;

76.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku sabiex jiġu eliminati l-ostakli għall-aċċess għal mediċini, apparat mediku u tagħmir protettiv għaċ-ċittadini kollha, b'mod speċjali dawk li jgħixu fl-Istati Membri li, minħabba d-daqs żgħir jew il-pożizzjoni remota tagħhom, jiddependu b'mod qawwi fuq l-importazzjonijiet u m'għandhomx aċċess faċli għall-katina tal-provvista;

77.

Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' katalogu ta' nuqqasijiet fl-Istati Membri kollha, li jippermetti lill-EMA taġġorna faċilment il-katalogu pubbliku tagħha ta' nuqqasijiet ivvalutat mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem (CHMP) tagħha u/jew il-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza (PRAC) tagħha;

78.

Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġġieled kontra l-ispekulazzjoni, il-frodi u l-abbużi tal-prezzijiet fil-kummerċ ta' sustanzi mediċi essenzjali;

79.

Jikkundanna l-isfruttament ta' nuqqasijiet għal skopijiet kriminali; ifakkar li l-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni tal-mediċini u l-prodotti mediċi taggrava t-tensjonijiet fil-provvista; jitlob li jissaħħu l-miżuri biex jiġu miġġielda dawn il-prattiki billi jiġu kkontrollati l-pjattaformi online li joffru l-mediċini, tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji rilevanti nazzjonali u tal-UE, u jiġi żgurat li d-drittijiet tal-vittmi jiġu rispettati;

Il-prevenzjoni u r-rispons għal nuqqasijiet f'każ ta' kriżijiet tas-saħħa

80.

Jenfasizza bi tħassib in-nuqqasijiet ta' xi mediċini li seħħew matul il-kriżi tal-COVID-19, inklużi nuqqasijiet ta' mediċini użati fil-kura intensiva; jissottolinja l-importanza li jinżammu l-produzzjoni, il-provvista, id-distribuzzjoni, l-iżvilupp u l-aċċess ugwali għal mediċini ta' kwalità għolja, ikkoordinati mill-EMA; jinnota bi tħassib il-projbizzjonijiet tal-esportazzjoni mqiegħda fuq xi mediċini fuq livell globali u jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-provvista tal-mediċini; jissottolinja li l-użu sperimentali ta' mediċini biex tiġi ttrattata l-COVID-19 ma jridx iwassal għal nuqqasijiet għal pazjenti b'kundizzjonijiet oħra, li jiddependu fuq dawn il-mediċini;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tadotta pjan Ewropew ta' tħejjija għal pandemija sabiex ikun żgurat rispons ikkoordinat u effikaċi f'każ ta' pandemija; jilqa', f'dak ir-rigward, il-ħolqien mill-Kummissjoni ta' kamra tal-ikklerjar ta' tagħmir mediku għall-COVID-19; itenni t-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 għall-ħolqien ta' mekkaniżmu Ewropew ta' rispons sanitarju biex jiġu indirizzati t-tipi kollha ta' kriżijiet tas-saħħa;

82.

Jenfasizza li pjan Ewropew ta' tħejjija għall-pandemiji għandu jinkludi l-koordinazzjoni ta' informazzjoni dwar id-distribuzzjoni u l-konsum ta' prodotti mediċinali fl-Istati Membri u d-definizzjoni adegwata ta' flessibbiltajiet regolatorji biex jiġu indirizzati t-tensjonijiet fil-provvista; jikkunsidra li tali pjan għandu jinkludi wkoll l-użu mifrux ta' mekkaniżmi ta' kriżi kooperattivi fil-livell tal-UE li jindirizzaw it-theddid transfruntier serju għas-saħħa, bħal rescEU u l-Ftehim ta' Akkwist Konġunt, sabiex il-kapaċitajiet ta' rispons tal-Istati Membri jiġu appoġġjati b'mod effikaċi;

83.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ħielsa, ġusta, trasparenti u infurzabbli li tkun ibbażata fuq ir-regoli hija fundamentali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà globali ta' prodotti mediċi u tiġi limitata l-vulnerabbiltà tagħna f'emerġenzi futuri;

84.

Jilqa', wara l-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, l-introduzzjoni ta' regoli aktar flessibbli fi sforz biex jiġu mmitigati n-nuqqasijiet u tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-mediċini bejn l-Istati Membri, inkluża l-aċċettazzjoni ta' formati differenti ta' imballaġġ, proċedura ta' użu mill-ġdid li tippermetti lid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jiksbu approvazzjoni fi Stat Membru ieħor, estensjoni tal-validità taċ-ċertifikati ta' prattika tajba ta' manifattura, perjodi itwal ta' skadenza, u l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji, eċċ.; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod strett l-użu ta' dawn l-arranġamenti, biex tiżgura li s-sikurezza tal-pazjent ma tkunx kompromessa filwaqt li żżommhom disponibbli f'każ ta' diffikultajiet jew nuqqasijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-estensjoni temporanja tad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745 dwar l-apparat mediku; jappella, għal dan il-għan, għal approċċ speċifiku għall-prodotti mediċinali orfni;

85.

Jinnota li l-protezzjoni tal-privattivi hija inċentiv essenzjali għall-kumpaniji biex jinvestu fl-innovazzjoni u jipproduċu mediċini ġodda; jinnota, fl-istess ħin, li l-effett ta' esklużjoni tal-privattivi jista' jwassal għal provvista limitata fis-suq u aċċess ridott għall-mediċini kif ukoll għall-prodotti farmaċewtiċi; jenfasizza li għandu jinstab bilanċ bejn l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni permezz tal-effett ta' esklużjoni ta' privattiva u l-iżgurar tal-aċċess għall-mediċini u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika; ifakkar li kumpanija li tikkumerċjalizza mediċina tista' tgawdi mill-esklussività tad-data għal perjodu ta' tmien snin mill-ewwel awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 14(11) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni ta' dak ir-regolament biex tipprevedi l-possibbiltà ta' awtorizzazzjoni temporanja tal-għoti ta' liċenzji obbligatorji f'każ ta' kriżi tas-saħħa sabiex ikunu jistgħu jiġu prodotti verżjonijiet ġeneriċi ta' mediċini li jsalvaw il-ħajja; ifakkar li din hija waħda mill-flessibbiltajiet tas-saħħa pubblika fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattivi diġà inkluża fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) tad-WTO, kif reġa' ġie affermat mid-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE ma tinterferix mal-possibbiltajiet li jiġu invokati l-flessibbiltajiet previsti mill-Ftehim TRIPS u li tipprovdi gwida lill-Istati Membri sabiex jiġi mħeġġeġ il-ħruġ ta' liċenzji volontarji pjuttost milli l-ħruġ immedjat ta' liċenzji obbligatorji;

86.

Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 816/2006 (20) jarmonizza l-proċedura għall-ħruġ ta' liċenzji obbligatorji fir-rigward ta' privattivi u ċertifikati ta' protezzjoni supplementari li jikkonċernaw il-manifattura u l-bejgħ ta' prodotti farmaċewtiċi, meta prodotti ta' dan it-tip ikunu maħsuba għall-esportazzjoni lill-pajjiżi importaturi eliġibbli li jkollhom bżonn ta' prodotti ta' dan it-tip sabiex jiġu indirizzati problemi tas-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-kuntest tal-istrateġija farmaċewtika tagħha li jmiss, il-possibbiltà ta' regoli armonizzati dwar l-għoti ta' liċenzji obbligatorji għall-prodotti mediċinali, bħall-vaċċini, li jippermettu lill-Istati Membri jirreaġixxu aktar malajr u b'mod aktar effikaċi għal kriżijiet tas-saħħa pubblika futuri fl-Ewropa;

87.

Jenfasizza li skemi ta' ħruġ ta' liċenzji obbligatorji jeħtieġ li jkunu parti minn azzjoni usa' tal-UE biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-aċċess għall-mediċini; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta' azzjoni Ewropew f'dan ir-rigward;

88.

Jenfasizza li l-protezzjoni u l-infurzar tal-privattivi għandu jkollhom kunsiderazzjoni dovuta għall-interessi tas-soċjetà, b'mod partikolari s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u l-prijoritajiet tas-saħħa pubblika; ifakkar, fuq l-istess linja, li l-protezzjoni tal-privattivi m'għandhiex tinterferixxi mad-dritt għas-saħħa u m'għandhiex tikkontribwixxi għat-twessigħ tad-distakk bejn ċittadini aktar sinjuri u dawk aktar fqar f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-mediċini; iqis li l-approċċ tal-Unjoni għal din il-kwistjoni għandu jiżgura l-armonizzazzjoni u l-koerenza fost il-miżuri differenti għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri;

89.

Jenfasizza li network estiż ta' FTAs ġusti u implimentati b'mod tajjeb, b'dispożizzjonijiet ibbilanċjati tal-proprjetà intellettwali u tal-kooperazzjoni regolatorja flimkien ma' sistema kummerċjali multilaterali li tiffunzjona b'mod sħiħ mad-WTO u Korp ta' Appell operattiv fil-qalba tiegħu, huma l-aħjar mod biex jiġi ggarantit li jkunu disponibbli diversi sorsi ta' manifattura għal mediċini essenzjali u li l-istandards regolatorji jikkonverġu globalment, filwaqt li jiġi żgurat qafas ta' innovazzjoni globali b'saħħtu li jikkomplementa l-produzzjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza li jkun hemm għażliet li jiżguraw disponibbiltà adegwata tal-prodotti farmaċewtiċi meħtieġa, inkluż permezz tad-disponibbiltà, jekk jinqala' dan il-bżonn, li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta' mediċini prodotti barra mill-pajjiż skont liċenzji obbligatorji; ifakkar li d-differenzi fl-oqfsa regolatorji u fl-istandards għall-prodotti mediċinali jistgħu joħolqu ostaklu bla bżonn għall-kummerċ; jenfasizza l-importanza tal-istandards Ewropej ta' kwalità u sikurezza; jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' standards internazzjonali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti mediċinali finali jew intermedji kollha destinati għas-suq Ewropew jissodisfaw l-istandards Ewropej ta' kwalità u ta' sikurezza applikabbli, u li ma jkunux kontrafatti; jinnota li mod ieħor biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE fil-qasam tas-saħħa huwa li tiġi inkluża l-produzzjoni farmaċewtika ta' ċerti prodotti fil-programm IPCEI (Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni);

90.

Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-pajjiżi kollha biex jissieħbu fil-Ftehim dwar it-Tneħħija tat-Tariffi Farmaċewtiċi tad-WTO; iħeġġeġ biex l-ambitu tiegħu jiġi estiż għall-prodotti farmaċewtiċi u mediċi kollha filwaqt li jirrispetta l-ispazju tal-politika tal-pajjiżi kollha u jiżgura l-aċċess taċ-ċittadini tiegħu għall-mediċini; jisħaq li l-prodotti mediċi u l-mediċini, inkluż fil-forom intermedji tagħhom, dejjem għandhom ikunu eżentati minn ritaljazzjoni f'tilwim kummerċjali, u jkunu faċilment aċċessibbli; iħeġġeġ, barra minn hekk, l-eliminazzjoni immedjata, unilaterali u temporanja ta' tariffi fuq prodotti mediċi u farmaċewtiċi biex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti; jenfasizza li l-iżvilupp ta' prodotti mediċi għandu jkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, u li d-drittijiet tal-ħaddiema għandhom jikkonformaw mal-Konvenzjonijiet Ewlenin tal-ILO; jieħu nota tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u sħiħa – u, jekk meħtieġa reviżjoni – tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB, fejn il-kura tas-saħħa għandha tiġi inkluża bħala settur strateġiku;

92.

Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 ittestjat ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa pubblika; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' testijiet tal-istress biex jivvalutaw ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa pubblika f'każijiet ta' emerġenza tista' tgħin biex jiġu identifikati fatturi ta' riskju strutturali u tipprovdi mezz effikaċi kontra n-nuqqasijiet f'każ ta' pandemiji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, abbażi tar-riżultati ta' dawn it-testijiet, ifasslu rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri, sabiex isaħħu s-sistemi tas-saħħa tagħhom u jissodisfaw kwalunkwe ħtieġa essenzjali li tista' timmaterjalizza f'każ ta' emerġenza tas-saħħa;

93.

Jemmen li s-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE jeħtieġu aktar standards komuni u interoperabbiltà aħjar sabiex jiġu evitati nuqqasijiet ta' mediċini u tiġi pprovduta kura tas-saħħa ta' kwalità għal kulħadd fis-soċjetà; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi direttiva dwar l-istabbiliment ta' standards minimi għal sistemi ta' kura tas-saħħa ta' kwalità, abbażi tas-sejbiet tat-testijiet tal-istress;

94.

Iqis li fil-każ ta' kriżi tas-saħħa, l-għeluq tal-kontrolli doganali u fil-fruntieri ma jistax jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment transfruntier ta' prodotti mediċinali ta' interess ewlieni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri siguri u rapidi għall-kontroll tal-prodotti fil-fruntiera matul kriżi tas-saħħa f'konformità mad-dritt tal-Unjoni;

95.

Jinnota li t-tifqigħa tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tal-konsenja f'waqtha ta' mediċini f'ċirkostanzi urġenti u eċċezzjonali, li jistgħu jerġgħu jseħħu fil-futur; jenfasizza, barra minn hekk, li politika industrijali u tat-trasport ġdida u investimenti fir-R&Ż huma kruċjali biex ikun żgurat li l-industrija farmaċewtika tkun tista' tirrispondi għall-ħtiġijiet futuri;

96.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' network tat-trasport u tal-loġistika aktar effiċjenti u sostenibbli u ta' tnaqqis fit-tul tar-rotot tat-trasport, li jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet, u b'hekk jittaffa l-impatt fuq l-ambjent u fuq il-klima, jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi;

97.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-“korsiji ħodor” proposti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali sabiex jippermettu l-funzjonament bla xkiel tat-trasport mhux biss tal-mediċini iżda anki tal-materja prima, tal-prodotti intermedji u tal-materjali relatati, inkluż l-imballaġġ; jenfasizza l-ħtieġa li l-fruntieri jinżammu miftuħa permezz ta' korsiji ħodor sabiex ikunu jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati avvenimenti futuri mhux mistennija;

98.

Iqis li huwa neċessarju li jitneħħew il-konġestjonijiet u li jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport kompletament integrata u operattiva għall-modi kollha tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-intermodalità – filwaqt li tiġi promossa l-bidla għall-ferrovija – jiġu ffinanzjati l-hubs prinċipali u tiġi żgurata l-konsenja kontinwa ta' diversi tipi ta' prodotti, inklużi prodotti perikolużi li huma kruċjali għall-produzzjoni tal-industrija kimika u farmaċewtika; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-faċilitajiet mediċi u l-persunal mediku jissaħħu bi tħejjija għaż-żieda fil-volumi tat-traffiku li jirriżultaw mit-tneħħija tar-restrizzjonijiet;

99.

Jenfasizza l-importanza ta' sistemi tal-IT li jiffaċilitaw it-traċċabbiltà, is-superviżjoni u l-konsenja f'waqtha tal-mediċini, u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn id-diversi atturi involuti fil-katina tal-loġistika tat-trasport, inklużi l-awtoritajiet doganali;

100.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, mekkaniżmi biex jiġu żgurati trasport rapidu u sikur u sorveljanza aħjar tat-trasport u l-ħżin ta' mediċini, jiġifieri l-introduzzjoni ta' pjan ta' kontinġenza li jiżgura t-trasport mhux ostakolat ta' mediċini meta s-settur tat-trasport ikun imfixkel, u pjanijiet ta' distribuzzjoni mhux konvenzjonali, eż. konsenji ta' mediċini sensittivi għall-fattur taż-żmien permezz ta' traffiku mħallat skedat;

101.

Jieħu nota tal-importanza li jiġu garantiti standards nondiskriminatorji u li jipprovdu livell għoli ta' sikurezza kemm għall-infrastruttura tat-trasport kif ukoll għall-ħaddiema fil-qasam tat-trasport, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu ġestiti volumi sinifikanti fil-katina tal-provvista mingħajr tfixkil filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri proporzjonati u adattati biex jiġu minimizzati r-riskji għas-saħħa; jissottolinja l-importanza li jinżammu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għax-xufiera;

102.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jkunu awtorizzati jaqsmu l-fruntieri interni jekk jaħdmu f'pajjiż tal-viċinat;

103.

Jieħu nota tal-importanza tal-ġestjoni bir-reqqa tal-kapaċità ta' maħżen b'temperatura ambjenti u kiesħa fl-infrastruttura ta' trasport ta' dħul u ta' ħruġ;

104.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eliminati l-ostakli għall-aċċess għall-mediċini, l-apparat mediku u t-tagħmir protettiv għaċ-ċittadini kollha, b'mod speċjali dawk li jgħixu fl-Istati Membri li, minħabba d-daqs żgħir jew il-pożizzjoni remota tagħhom, jiddependu b'mod qawwi fuq l-importazzjonijiet u m'għandhomx aċċess faċli għall-katina tal-provvista;

105.

Jenfasizza l-importanza li jiġu koperti l-ħtiġijiet speċifiċi tat-trasport fil-livelli lokali u reġjonali, b'mod partikolari f'żoni periferiċi, rurali, muntanjużi, b'popolazzjoni baxxa u dawk insulari u reġjuni ultraperiferiċi li huma aktar diffiċli li jintlaħqu u li jinvolvu spejjeż ta' konsenja ogħla; jemmen li l-pjanijiet strateġiċi biex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura fl-Istati Membri għandhom jinkludu azzjonijiet konkreti għal dawn ir-reġjuni; jieħu nota tal-importanza li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni diġitali tilħaq dawn iż-żoni u l-ħtieġa li jitħaffef l-użu ta' soluzzjonijiet ġodda adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, billi jittejbu l-konnettività, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà; jenfasizza li l-aċċess għall-mediċini f'dawn iż-żoni m'għandu jixxekkel bl-ebda mod;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ organizzattiv u finanzjarju, inkluż permezz tal-programmi ta' ħidma adottati fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, lill-Istati Membri u lill-operaturi tat-trasport matul sitwazzjonijiet ta' emerġenza, bħall-pandemiji, u tagħti prijorità u tiżgura spazju riżervat għall-konsenji kollha ta' oġġetti essenzjali, bħal mediċini, APIs u tagħmir mediku;

107.

Jappella għall-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet rapidi u innovattivi biex itaffu l-problema tan-nuqqas ta' mediċini fi żmien utli u biex jippermettu t-trasport sikur ta' mediċina sensittivi għat-temperatura, filwaqt li jittraċċaw il-prodotti permezz ta' monitoraġġ remot kontinwu; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kompetenzi taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fil-qasam tas-saħħa pubblika u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki;

108.

Jistieden lill-ECDC joħroġ data ta' mmudellar dwar l-imxija probabbli tal-pandemija tal-COVID-19 f'kull Stat Membru kif ukoll data dwar il-ħtiġijiet tal-pazjenti u data dwar il-kapaċità tal-isptarijiet fl-Istati Membri sabiex jantiċipa aħjar id-domanda u jipprovdi mediċini fejn meħtieġ; iqis li l-EMA għandha taħdem flimkien mal-ECDC biex tipprevjeni aħjar in-nuqqasijiet ta' mediċini u mediċini użati b'mod komuni fid-dawl ta' epidemiji u pandemiji futuri possibbli;

109.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-EMA u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jisfruttaw l-isforzi prammatiċi kollha li saru matul il-kriżi tal-COVID-19 u jkomplu jippermettu flessibbiltajiet regolatorji għall-MAHs, pereżempju billi jkopru proċeduri għal tibdil fil-fornituri tal-APIs, id-deżinjazzjoni ta' siti ġodda ta' manifattura u awtorizzazzjonijiet ta' importazzjonijiet aktar mgħaġġla, bil-għan ta' mitigazzjoni aħjar tan-nuqqas ta' mediċini;

110.

Jirrikonoxxi li l-kwoti tal-provvista applikati mill-MAHs fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-kura tas-saħħa huma stabbiliti skont diversi parametri, inklużi estimi ta' ħtiġijiet nazzjonali tal-pazjenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti, flimkien mal-partijiet ikkonċernati mill-industrija farmaċewtika, fuq il-volumi tal-istokkijiet ta' mediċini disponibbli; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-kwoti tal-volumi tal-istokkijiet stabbiliti mid-distributuri ħafna drabi huma stretti u jikkawżaw majnar u nuqqasijiet, u li ġie nnutat nuqqas fit-trasparenza tal-istokkijiet f'ċerti partijiet tal-katina tad-distribuzzjoni;

111.

Jenfasizza li l-politiki tal-ipprezzar tal-prodotti farmaċewtiċi li jinkludu biss in-nefqa ma jippermettux aġġustamenti fil-prezz biex jiġi rifless it-tibdil fl-ispiża ta' oġġetti, manifattura, proċeduri regolatorji u distribuzzjoni, u għandhom effett negattiv fuq l-affidabbiltà tal-provvista; jinnota bi tħassib li żieda fid-domanda tal-prodott matul nuqqasijiet ta' mediċini tista' żżid ir-riskju li jseħħu prattiki inġusti tal-ipprezzar f'reġjuni affettwati min-nuqqas kif ukoll f'każijiet fejn prodotti farmaċewtiċi alternattivi jistgħu jissostitwixxu dawk affettwati min-nuqqas;

112.

Jiġbed l-attenzjoni dwar eżempji ta' nuqqasijiet assoċjati mal-ħin meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji, inklużi perjodi ta' żmien regolatorji u rekwiżiti nazzjonali, iżda sadanittant jenfasizza li l-ħtieġa ta' mediċini u tagħmir mediku ma tistax tkun askapitu tal-kwalità, is-sikurezza, l-effikaċja u l-kosteffettività tal-mediċini għall-użu mill-bniedem u għal prodotti tas-saħħa, inkluż apparat mediku; ifakkar li l-konformità mar-regoli applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta' provi kliniċi ta' mediċini, kif ukoll il-kontroll tal-osservanza ta' prassi kliniċi tajbin fil-prestazzjoni tagħhom, iridu jkomplu jiġu rregolati u ssorveljati skont l-ogħla standards tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika; ifakkar ukoll li għandha tingħata prijorità biex jiġu ottimizzati l-proċessi regolatorji filwaqt li jinżammu standards xjentifiċi għolja, sabiex ikunu permessi kompiti amministrattivi simplifikati assoċjati maż-żamma ta' prodotti mediċinali fis-suq billi jiġi emendat ir-Regolament eżistenti dwar il-Varjazzjonijiet, jittejjeb l-aċċess għal informazzjoni għall-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa, u jiġi ssimplifikat il-fluss ta' mediċini minn Stat Membru għal ieħor f'każ ta' nuqqas; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aħjar użu mit-teknoloġija tal-informazzjoni għall-proċessi regolatorji, inklużi għodod telematiċi u diġitali, sabiex ittejjeb l-effiċjenza regolatorja fl-UE kollha filwaqt li tirrispetta l-istandards tal-privatezza tad-data kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data / GDPR) (21);

113.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għad-Data u t-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa u b'kunsiderazzjoni tal-potenzjal vast li d-data tas-saħħa għandha biex ittejjeb il-kwalità tal-kura tas-saħħa u r-riżultati tal-pazjenti, tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji interoperabbli fis-setturi tas-saħħa tal-Istat Membru li se jiffaċilitaw it-twassil ta' soluzzjonijiet tas-saħħa innovattivi lill-pazjenti; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa li jikkoopera u jopera b'mod sħiħ, b'qafas ta' governanza li jrawwem il-ħolqien ta' ekosistema innovattiva mmexxija mid-data, ibbażata fuq skambju ta' informazzjoni u data kkontrollata li jkun sigur u kkontrollat, fost l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi standards, għodod u infrastruttura tal-ġenerazzjoni li jmiss biex taħżen u tipproċessa data xierqa għar-riċerka u l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi innovattivi; jissottolinja li d-data personali dwar is-saħħa tista' tinġabar u tiġi pproċessata biss abbażi tar-raġunijiet legali previsti fl-Artikolu 6(1) tal-GDPR, flimkien mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tal-GDPR; iqis li, f'dan il-kuntest, l-ipproċessar ulterjuri ta' data dwar is-saħħa personali għandu jkun ipprojbit; ifakkar lill-kontrolluri tad-data dwar il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data dwar it-trasparenza u dwar l-obbligi tagħhom li joħorġu minnhom fir-rigward tal-pazjenti u ta' suġġetti oħra tad-data;

114.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat aċċess universali għall-vaċċini u t-trattament mediku, speċjalment f'emerġenzi u għal mard ġdid li għalihom ma jeżistix trattament, bħal fil-każ tal-COVID-19; iħeġġeġ kollaborazzjoni mill-qrib bejn id-WHO u d-WTO biex, ladarba jinstab il-vaċċin, il-provvista tiegħu tiġi żgurata; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istess ħin, issaħħaħ il-mekkaniżmi tagħha għall-akkwist konġunt ta' mediċini biex tiggarantixxi aċċess universali għat-trattament għaċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-post ta' residenza tagħhom;

115.

Jinsisti li fit-tħejjija għall-iżvilupp u l-awtorizzazzjoni ta' vaċċin jew trattament sikur u effikaċi kontra l-COVID-19, iridu jittieħdu l-passi kollha biex jiġi żgurat li produzzjoni u distribuzzjoni rapidi jkunu possibbli fl-Ewropa u fid-dinja kollha, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ġust u ugwali għall-vaċċin jew it-trattament;

116.

Jirrikonoxxi li l-epidemija tal-COVID-19 aggravat il-problema persistenti tan-nuqqas ta' mediċini u tagħmir protettiv fl-UE, filwaqt li jisħaq li l-aċċess għall-mediċini u t-tagħmir protettiv huwa kwistjoni ta' tħassib globali li għandha wkoll konsegwenzi serji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn il-mard relatat mal-faqar qiegħed jinfirex u d-disponibbiltà tal-mediċini hija baxxa; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tiżgura koerenza fil-politiki tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-iżvilupp, il-kummerċ, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, biex tgħin tissalvagwardja l-aċċess kontinwu għall-mediċini essenzjali fl-ifqar pajjiżi u, b'mod partikolari, fil-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs);

117.

Jinnota li n-nuqqas ta' aċċess għall-mediċini affettwa serjament il-gruppi l-aktar vulnerabbli u marġinalizzati, inklużi n-nisa u t-tfal, in-nies li jgħixu bl-HIV u mard kroniku ieħor, il-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità;

118.

Jistieden lill-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem fid-dinja biex tiżgura li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom aċċess garantit u provvista ta' mediċini essenzjali, speċjalment f'emerġenzi;

119.

Jenfasizza li l-epidemija tal-COVID-19 turi l-ħtieġa li l-ktajjen tal-provvista eżistenti jitqassru kemm jista' jkun, b'mod partikolari biex tiġi evitata d-dipendenza fuq ktajjen tal-provvista globali twal u fraġli għal tagħmir mediku kritiku u prodotti farmaċewtiċi; iħeġġeġ lill-UE tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibnu kapaċità lokali ta' manifattura, produzzjoni u distribuzzjoni permezz ta' appoġġ tekniku, għarfien kritiku u informazzjoni, billi tinċentiva t-trasferiment tat-teknoloġija u trawwem konsistenza fil-gwida regolatorja, fis-sistemi ta' monitoraġġ u fit-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa; jissottolinja l-ħtieġa li jinħolqu sistemi tas-saħħa aktar b'saħħithom u ktajjen tal-provvista li jaħdmu tajjeb; jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment l-LDCs, jiddependu ħafna mill-ktajjen ta' provvista internazzjonali, u dan jista' jwassal għal nuqqasijiet serji meta tiżdied id-domanda globali u l-provvista tkun limitata;

120.

Jappella għal rispons kollettiv globali u jilqa' l-eżitu tal-“Konferenza b'Appell għal Wegħdiet ta' Donazzjonijiet b'Rispons Globali għall-Coronavirus” li saret fl-4 ta' Mejju 2020, fejn EUR 7,4 biljun ġew imwiegħda minn donaturi madwar id-dinja biex jaċċeleraw il-ħidma fuq id-dijanjostika, it-trattament u l-iżvilupp tal-vaċċini; jenfasizza li l-għodod mediċi relatati mal-COVID-19 għandhom ikunu affordabbli, sikuri, effettivi, faċli biex jiġu amministrati u disponibbli b'mod universali għal kulħadd u kullimkien filwaqt li għandhom jitqiesu bħala “beni pubbliċi globali”; iqis, għaldaqstant, li l-aċċess u l-affordabbiltà għandhom ikunu parti integrali mill-proċess kollu tar-R&Ż u tal-manifattura; għal dan il-għan, jemmen li l-finanzjament pubbliku għandu jkun soġġett għal kundizzjonijiet stretti, b'mod partikolari f'termini ta' governanza kollettiva, trasparenza, kondiviżjoni tat-teknoloġija, għarfien tekniku u riżultati kliniċi, eċċ.; jenfasizza li dawn il-kundizzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, peress li l-finanzjament pubbliku ma jistax jikkonsisti minn ċekkijiet inbjank;

121.

Jenfasizza li l-kondiviżjoni ta' kampjuni ta' patoġeni u ta' informazzjoni dwar is-sekwenzi tagħhom hija kruċjali għall-iżvilupp rapidu ta' dijanjostika, terapiji u vaċċini; ifakkar fl-obbligi internazzjonali vinkolanti ta' kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji fi ħdan il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Protokoll ta' Nagoya fir-rigward tal-materjal ġenetiku;

o

o o

122.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(2)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(3)  ĠU L 158, 27.5.2014, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9.

(5)  ĠU L 32, 9.2.2016, p. 1.

(6)  ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1.

(7)  ĠU L 130, 24.4.2020, p. 18.

(8)  ĠU L 4, 7.1.2019, p. 24.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2019)0105.

(11)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 4.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(13)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-evalwazzjoni tal-ġestjoni tal-influwenza H1N1 fl-2009-2010 fl-UE (ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 7).

(14)  Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta' kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta' demm tal-bniedem u komponenti tad-demm (ĠU L 33, 8.2.2003, p. 30).

(16)  Id-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar it-twaqqif ta' standards ta' kwalità u sikurezza għad-donazzjoni, l-akkwist, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-preservazzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni tat-tessut u ċ-ċelloli tal-bniedem (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 48).

(17)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni ta' sistemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa (Testi adottati, P7_TA(2013)0039).

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1999 dwar il-prodotti mediċinali orfni (ĠU L 18, 22.1.2000, p. 1).

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1234/2008 tal-24 ta' Novembru 2008 li jikkonċerna l-eżami ta' varjazzjonijiet fit-termini tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u tal-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 7).

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 816/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-liċenzjar obbligatorju ta' privattivi relatati mal-manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li għandhom problemi ta' saħħa pubblika (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/104


P9_TA(2020)0229

Implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: Nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa (2020/2011(INI))

(2021/C 385/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea, il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, kif ukoll ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) u mekkaniżmi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 bit-titolu “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020” (COM(2011)0173) u r-rapporti sussegwenti ta' implimentazzjoni u evalwazzjoni,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (5), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016 dwar l-aċċellerar tal-proċess ta' integrazzjoni tar-Rom u tat-13 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 14/2016,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Parlament Ewropew tal-2010 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom u r-Rapport dwar l-aspetti tal-ġeneru tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom tal-2013,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017 (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE ta' wara l-2020 għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom u li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' ċittadini tal-UE li jappartjenu għal minoranzi fl-Istati Membri tal-UE (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE (13),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2019 bit-titolu “Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom” (COM(2019)0406) (14),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020” (COM(2018)0785) (15),

wara li kkunsidra l-proċedimenti ta' ksur bit-titolu “Non-conformity with Directive 2000/43/EC on Racial Equality – Discrimination of Roma children in education” (Nuqqas ta' konformità mad-Direttiva 2000/43/KE dwar l-Ugwaljanza Razzjali – Diskriminazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni) (numri tal-ksur 20142174, 20152025 u 20152206),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-sitwazzjoni ta' nisa Rom (SOC/585-EESC-2018),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Poznan tas-Sħab tal-Balkani tal-Punent dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fil-Proċess tat-Tkabbir tal-UE,

wara li kkunsidra t-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II) tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ta' Politika Ġenerali Nru 13 tal-Kummissjoni Ewropea Kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Mappa tal-Faqar tal-Bank Dinji, tal-2016, li tidentifika b'mod ċar l-aktar reġjuni li għadhom lura fl-Ewropa,

wara li kkunsidra r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-istituzzjonijiet ta' riċerka u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Romani u pro-Romani, inklużi l-NGOs fil-livell lokali tar-Romani,

wara li kkunsidra l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej dwar “L-Inizjattiva Minority SafePack” u dwar “Politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1) (e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0147/2020),

A.

billi l-persuni Romani jirrappreżentaw l-akbar minoranza etnika tal-Ewropa;

B.

billi l-Qafas attwali enfasizza d-diversità fl-ambitu tat-terminu ġenerali wiesa' ta' “Rom”; billi dan naqas milli jirrikonoxxi d-diversità fi ħdan il-popolazzjoni tal-persuni Romani; billi t-terminu “Rom” jew it-terminu doppju “Sinti u Rom” intużaw f'era meta dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iddeċidew dwar il-politiki tar-Rom mingħajr l-involviment reali tal-komunitajiet Romani u għalhekk dawk il-komunitajiet iħossuhom imwarrba minnu u billi din id-definizzjoni użata fil-politiki u d-diskussjoni tal-UE ma tirriflettix l-eteroġeneità tal-komunità Romani u għalhekk spiss tiġi kkritikata minnhom;

C.

billi d-diversità fost il-persuni Romani għandha tkun riflessa wisq aħjar fil-proposta leġiżlattiva ta' wara l-2020 għall-Ugwaljanza, l-integrazzjoni u l-Parteċipazzjoni tal-poplu Romani; billi t-terminu “persuni Romani” jkopri l-persuni ta' oriġini Rom, Kalè, Manouches, Lovara, Rissende, Boyash, Domare, Kalderash, Romanichal u Sinti; billi d-definizzjoni l-ġdida, “poplu Romani”, tinkludi aħjar anke lil dawk stigmatizzati bħala żingari mingħajr ma jkollhom oriġini etnika korrispondenti, bħall-Eġizzjani, l-Ashkali, jew il-Vjaġġaturi;

D.

billi proporzjon sinifikanti tal-persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa jgħixu f'kundizzjonijiet estremament prekarji kemm f'żoni rurali kif ukoll f'żoni urbani, u f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi ħżiena ħafna (16); billi l-maġġoranza tal-persuni Romani huma mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja;

E.

billi skont l-istħarriġ EU-MIDIS II, 61 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li d-diskriminazzjoni kontra l-poplu Romani hija mifruxa ħafna f'pajjiżhom; billi għadu jeżisti anti-Żingariżmu b'għeruq fondi, persistenti u strutturali u spiss istituzzjonali u governattiv fil-livelli kollha tas-soċjetà Ewropea u jimmanifesta ruħu fuq bażi ta' kuljum u huwa rikonoxxut bħala ostaklu ewlieni għall-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tal-persuni Romani bħala ċittadini tal-UE li jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza, fl-isferi kollha tal-ħajja, inklużi l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjiegi;

F.

billi l-persuni Romani għadhom qed isofru minħabba żieda fil-livell ta' diskors ta' mibegħda; b'mod partikolari fil-pubbliku, fil-midja soċjali u minn personalitajiet pubbliċi, politiċi u uffiċjali; billi huma jsofru wkoll vjolenza taħt idejn il-pulizija, inkluż il-kastig kollettiv, it-tfassil ta' profili razzjali, is-segregazzjoni residenzjali u skolastika; billi huma meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex jiġi miġġieled dan il-fenomenu; billi nuqqasijiet fl-istat tad-dritt, fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, iwasslu għal livell insuffiċjenti ta' protezzjoni u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' vjolenza mill-pulizija, u l-vittmi spiss jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet tal-Istat;

G.

billi l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu permezz tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' kontra d-diskriminazzjoni mhijiex biżżejjed; billi l-Istati Membri tal-UE għandhom juru determinazzjoni biex ikissru ċ-ċirku vizzjuż tal-anti-Żingariżmu, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet tal-poplu Romani mal-awtoritajiet amministrattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, biex jissalvagwardjaw l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għaċ-ċittadini Romani tagħhom, u biex jagħtu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom;

H.

billi r-razziżmu kontra l-persuni Romani wassal għall-vjolenza u l-qtil; billi l-livell ta' l-fastidju mmotivat mill-mibegħda u r-reati ta' mibegħda għadu wieħed sinifikament għoli kontra l-persuni Romani u l-maġġoranza tal-inċidenti mmotivati mill-mibegħda ma jiġux irrapportati;

I.

billi, skont l-EU-MIDIS II fl-2016, madwar 80 % tal-persuni Romani f'disa' Stati Membri tal-UE bl-akbar popolazzjonijiet ta' Romani jgħixu taħt il-limitu tal-faqar ta' pajjiżhom; billi l-faqar huwa kemm eżitu kif ukoll xprunatur tal-anti-Żingariżmu, u tal-esklużjoni fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fis-saħħa u fl-akkomodazzjoni; billi mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv hija li 20 miljun persuna, inklużi l-persuni Romani, jintrefgħu mir-riskju tal-faqar; billi l-għadd ta' persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali naqas bi 3,1 miljun bejn l-2008 u l-2017, l-UE għadha 'l bogħod mill-mira tagħha tal-Ewropa 2020 li tnaqqas dan l-għadd b'20 miljun sal-2020;

J.

billi persuna ta' oriġini Romani minn kull tlieta tgħix f'akkomodazzjoni mingħajr ilma tal-vit u persuna waħda minn kull għaxra tgħix f'akkomodazzjoni mingħajr elettriku; billi huma ftit aktar min-nofs li għandhom tojlit li jifflaxxja jew doċċa fuq ġewwa, u 78 % tar-Romani jgħixu f'akkomodazzjoni ffullata; billi għadd kbir ta' persuni Romani għadhom jgħixu f'insedjamenti informali, mhux iġjeniċi u irregolari f'kundizzjonijiet ta' għajxien miżerabbli; billi bosta m'għandhomx dokumenti ta' identifikazzjoni u assigurazzjoni medika (17);

K.

billi 43 % tar-Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni kontrihom meta jippruvaw jixtru jew jikru djar u mhumiex konxji biżżejjed mid-drittijiet tagħhom f'dik li hi ugwaljanza; billi r-regolarizzazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà fejn possibbli, b'mod partikolari f'ambjenti informali, għandha tissaħħaħ; billi l-abolizzjoni ta' ambjenti informali (żgumbramenti) għandha tkun akkumpanjata minn miżuri ta' akkumpanjament adegwati, inkluża l-offerta ta' akkomodazzjoni alternattiva; billi ma tittieħdet l-ebda miżura legali jew politika kontra l-Istati Membri biex jintemmu s-segregazzjoni residenzjali, l-iżgumbramenti sfurzati u biex jiġi żgurat aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità; jenfasizza li aċċess fqir għall-akkomodazzjoni u għall-utilitajiet pubbliċi, bħall-ilma nadif u s-sanità, għandu impatt negattiv fuq l-eżiti tal-edukazzjoni, tal-impjiegi u tas-saħħa, u jaffettwa ħażin l-inklużjoni soċjali b'mod ġenerali;

L.

billi l-istennija tal-għomor u l-istat tas-saħħa tal-persuni Romani għadhom aktar baxxi b'mod sinifikanti minn dawk tal-persuni mhux Romani fil-pajjiżi Ewropej kollha; billi l-istennija tal-għomor mat-twelid fl-UE hija ta' 76 sena għall-irġiel u ta' 82 sena għan-nisa, filwaqt li għall-persuni Romani, din hija stmata li hi 10 snin anqas; billi r-rata tal-mortalità tat-trabi fl-UE hija ta' 4,3 għal kull elf tarbija mwielda ħajja, billi hemm evidenza li r-rata hija ferm ogħla fost il-komunitajiet Romani;

M.

billi bosta persuni Romani jsofru minn rati estremament għolja ta' illitteriżmu u tluq bikri mill-iskola; billi 50 % biss tat-tfal Romani jattendu l-iskola preprimarja jew il-kindergarten, u proporzjon żgħir ħafna jkomplu l-iskola wara l-edukazzjoni obbligatorja; billi 50 % tal-persuni Romani li għandhom bejn is-sitta 6 u l-24 sena ma jinsabux fl-edukazzjoni; billi huma biss 21 % tan-nisa Romani u 25 % tal-irġiel Romani ta' bejn is-16 u l-24 sena li lestew l-edukazzjoni sekondarja (ISCED3) jew livell ogħla; billi fl-2019, 68 % tat-tfal Romani telqu mill-edukazzjoni qabel iż-żmien minkejja l-mira ta' 10 % tal-Qafas dwar ir-Rom preċedenti u tal-istrateġija Ewropa 2020; billi 18 % biss tat-tfal Romani għaddew għal livelli ogħla ta' edukazzjoni u r-rati ta' assenteiżmu u ta' tluq bikri mill-iskola fost l-istudenti Romani kienu ogħla b'mod sinifikanti minn dawk ta' kategoriji oħra ta' studenti; billi d-dijanjożi ħażina diskriminatorja ta' ħafna tfal Romani bħala li għandhom bżonnijiet edukattivi speċjali qed twassal biex għadd sproporzjonat ta' tfal Romani jattendu skejjel għat-tfal b'diżabilità, u b'hekk qed jinqatgħu mis-sistema skolastika tradizzjonali u spiss jirċievu edukazzjoni ta' kwalità aktar baxxa; billi s-segregazzjoni diretta u indiretta tat-tfal Romani hija fenomenu li għadu qed jiġi pprattikat mill-Istati Membri;

N.

billi l-persuni Romani jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-inizjattivi ta' impjieg bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi spiss huma nieqsa mill-kapaċità li jilħquhom, jew inkella japplikaw prattiki ta' diskriminazzjoni indiretta; billi fl-2015, il-perċentwal ta' persuni li jagħmlu xogħol bi ħlas għall-persuni Romani ta' bejn l-20 u l-64 sena kien ta' 43 %, ferm anqas mill-medja tal-UE ta' 70 %, filwaqt li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ hija sostanzjalment agħar bi 63 % tar-Romani ta' bejn is-16 u l-24 sena barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEET), meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 12 %, u bi 72 % tan-nisa Romani żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ meta mqabbla ma' 55 % tal-irġiel Romani żgħażagħ; billi 43 % tal-irġiel Romani u 22 % tan-nisa Romani jeżerċitaw xi forma ta' xogħol bi ħlas; billi l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġibdet l-attenzjoni għad-dritt fundamentali ta' kull persuna li tinvolvi ruħha fix-xogħol u għall-infurzar tad-drittijiet soċjali li jwasslu għal impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-persuni li jappartjenu għall-gruppi emarġinati, bħalma huma l-poplu Romani; billi ħafna persuni Romani li jgħixu fil-limiti tal-faqar estrem huma mġiegħla minn din is-sitwazzjoni li jaċċettaw impjiegi b'salarju ferm aktar baxx mill-paga minima, filwaqt li oħrajn huma sfurzati li jissopravivu minn attivitajiet informali bħall-ġbir tar-ruttam tal-metall jew tal-fliexken tal-plastik, li jżidu bil-bosta l-possibbiltajiet li dawn il-persuni jiġu sfruttati;

O.

billi r-rapporti tal-esperti u r-rapport tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jirrikonoxxu li l-fatturi ta' suċċess jinkludu approċċi intersezzjonali, transsettorjali u integrati biex jiġu indirizzati b'mod determinat id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni multidimensjonali u li n-nisa Romani, l-LGBT Romani, u l-persuni Romani b'diżabilità jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali; billi r-rapporti jsemmu fost il-prijoritajiet il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-aċċess tal-persuni Rom għall-ġustizzja b'fokus fuq il-vittmi ta' diskriminazzjoni intersezzjonali, u t-tisħiħ tal-kapaċità li l-korpi tal-ugwaljanza għandhom biex jittrattaw id-diskriminazzjoni kontra l-persuni Romani;

P.

billi n-nisa Romani huma partikolarment affettwati fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u spiss jiffaċċjaw forom aggravati ta' fastidju verbali, fiżiku, psikoloġiku u razzjali kif ukoll segregazzjoni etnika fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa materna; billi n-nisa Romani jitqiegħdu fi kmamar segregati bi kmamar tal-banju u faċilitajiet tal-ikel segregati; billi f'uħud mill-Istati Membri, in-nisa Romani ġew soġġetti għal prattiki sistematiċi ta' sterilizzazzjoni furzata u koerċittiva u ma setgħux jiksbu riparazzjonijiet adegwati, inkluż kumpens, għall-ksur li rriżulta tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

Q.

billi l-inġustizzji ambjentali huma regolarment relatati ma' riskji tas-saħħa u ma' konsegwenzi negattivi għall-persuni Romani u billi dawn jiġu affettwati b'mod sproporzjonat mill-piżijiet ambjentali, għandhom anqas aċċess għar-riżorsi u għas-servizzi ambjentali, u jiffaċċjaw diskriminazzjoni kontrihom fid-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għall-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-aċċess għall-ġustizzja f'materji ambjentali;

R.

billi l-ħolqien tal-ewwel Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom poġġa n-neċessità li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni Romani fuq l-aġenda tal-politika Ewropea, ħoloq strutturi u networks istituzzjonali vitali u poġġa pressjoni fuq l-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali bl-għan li jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom; billi filwaqt li wieħed jibni fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Qafas attwali tal-UE huwa essenzjali li l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-persuni Romani, iggwidati minn proposta għal wara l-2020, jitkomplew u jittejbu, filwaqt li jitolbu tisħiħ fil-konformità tal-Istati Membri, u jippromwovu l-użu ta' miri aktar vinkolanti biex jiżdiedu l-impenn u l-obbligu ta' rendikont; billi implimentazzjoni aħjar tal-istrateġiji nazzjonali tirrikjedi li tali strateġiji jiġu integrati fil-politiki settorjali nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll użu aktar effiċjenti tal-finanzjament tal-UE, speċjalment għall-proġetti ta' integrazzjoni fit-tul;

S.

billi hija meħtieġa proposta leġiżlattiva għall-Ugwaljanza, l-Integrazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-persuni Romani u għall-Ġlieda kontra l-Anti-Żingariżmu, u għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' data diżaggregata kwantitattiva u kwalitattiva aktar realistika miġbura bl-appoġġ tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tar-Romani, inklużi dawk mil-livell lokali;

T.

billi l-kultura Romani tagħmel parti mill-kultura u l-valuri tal-Ewropa, u r-Romani kkontribwew għar-rikkezza kulturali, id-diversità, l-ekonomija u l-istorja komuni tal-UE; billi l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali b'rabta mal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fil-koeżjoni soċjali;

U.

billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Romani skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà; billi għandu jiġi allokat finanzjament adegwat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-Persuni ta' Oriġini Romani wara l-2020 mill-baġits lokali, reġjonali u nazzjonali tal-Istati Membri, u kkomplementat b'finanzjament tal-UE; billi għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi effiċjenti u msaħħa ta' monitoraġġ, sorveljanza u sanzjonar; billi l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-fondi jiġu allokati għal objettivi u proġetti li għandhom l-akbar impatt potenzjali fit-tul fuq is-sitwazzjoni tal-persuni Romani, li jintefqu sewwa u li ma jintużawx ħażin;

V.

billi madwar nofs il-poplu Romani fl-Ewropa jgħixu barra mill-Unjoni Ewropea; billi s-sitwazzjoni tagħhom tgħadha waħda partikolarment problematika fil-maġġoranza tal-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u fil-pajjiżi tal-viċinat; billi l-Unjoni Ewropea jista' jkollha impatt qawwi fuq is-sitwazzjoni tagħhom permezz tan-negozjati ta' adeżjoni kif ukoll permezz tal-għoti ta' assistenza finanzjarja;

W.

billi l-parteċipazzjoni ugwali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni Romani fit-tfassil tal-politika, mil-livelli kollha, għandhom jiġu żgurati aħjar: il-partijiet ikkonċernati lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej (NGOs, attivisti, esperti, membri tal-komunità, eċċ.) għandhom jiġu involuti b'mod sinifikanti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki pubbliċi fir-rigward tal-persuni ta' oriġini Romani, fil-kuntest ta' wara l-2020;

X.

billi l-parti l-kbira tal-komunitajiet żvantaġġati tal-persuni Romani sikwit jibqgħu lura u jiġu esklużi mill-benefiċċji tal-programmi nazzjonali għall-integrazzjoni minħabba l-limiti fil-metodoloġiji tal-immappjar li jintużaw meta jkunu qed jiġu identifikati l-komunitajiet l-aktar fil-bżonn; billi meta jkun qed jitfassal l-intervent tal-programmi, l-analiżijiet għandhom jimmiraw lejn iż-żona ġeografika preċiża u l-għadd ta' familji u persuni li jħabbtu wiċċhom ma' esklużjoni soċjoekonomika;

Y.

billi l-objettivi tal-integrazzjoni tar-Romani għandhom jiġu allinjati mal-objettivi orizzontali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari mal-Pjan ta' Rkupru, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-2021-2027, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, is-Semestru Ewropew, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, l-Istrateġija Diġitali Ewropea, u mal-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali; billi l-appoġġ politiku huwa element ewlieni għall-integrazzjoni tar-Romani; billi hija meħtieġa mobilizzazzjoni maġġuri tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livelli kollha, fosthom fil-Kunsill, biex jiġu żgurati l-impenn politiku u l-obbligu ta' rendikont tal-Istati Membri;

Z.

billi l-anti-Żingariżmu ilu jeżisti fis-soċjetajiet tagħna għal sekli sħaħ u ħa l-aktar forma krudili tiegħu matul l-Olokawst, li fih huwa stmat li ġew esterminati nofs miljun persuna Romani; billi l-anti-Żingariżmu ħa l-forma ta' kważi 500 sena ta' skjavitù għall-persuni Romani fit-territorju ta' dik li hi r-Rumanija tal-lum; billi minħabba sekli sħaħ ta' diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali, ir-Romani ma setgħux jibbenefikaw b'mod effiċjenti u sinifikanti mill-iżvilupp soċjoekonomiku kontinwu tas-soċjetajiet tagħna; billi dawn tħallew jibqgħu lura u b'konsegwenza ta' dan, id-disparitajiet bejn ir-Romani u l-popolazzjoni ġenerali żdiedu;

AA.

billi l-kriżi tal-COVID-19 kompliet taggrava s-sitwazzjoni ta' komunitajiet emarġinati tar-Romani f'siti u insedjamenti ffullati żżejjed, u billi f'din il-kriżi r-razziżmu, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni, il-vjolenza tal-pulizija kontra r-Romani u l-attitudnijiet anti-Żingaristi bit-twemmin li r-Romani jxerrdu l-virus ġew aggravati, u minħabba li għandhom aċċess limitat għal kura tas-saħħa adegwata, ilma tax-xorb, sanità u ikel, ir-Romani jinsabu f'riskju akbar li jiġu infettati bil-COVID-19; billi s-sitwazzjoni ta' kriżi tal-COVID-19 għaldaqstant enfasizzat, b'mod ċar ħafna, il-ħtieġa urġenti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw l-inklużjoni tar-Romani; billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ u kura medika ta' emerġenza sabiex jillimitaw it-tixrid tal-virus; billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 jheddu li jolqtu l-aktar lill-popolazzjoni tar-Romani u japprofondixxu l-inugwaljanzi eżistenti fl-oqsma prijoritarji kollha tal-integrazzjoni tar-Romani;

Proposta leġiżlattiva tal-UE għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni tal-Persuni Romani u l-Ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; proposta strateġika tal-UE għal wara l-2020: il-prijoritajiet u finanzjament adegwat

1.

Jinnota li r-Romani huma soġġetti għall-anti-Żingariżmu – forma speċifika ta' razziżmu – b'mod persistenti, li jwassal għall-ogħla rati ta' faqar u esklużjoni soċjali; jinnota b'dispjaċir li minkejja l-iżvilupp soċjoekonomiku kontinwu fl-UE u l-isforzi biex tiġi żgurata l-inklużjoni tar-Romani kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, is-sitwazzjoni ġenerali tar-Romani fl-UE ma tjibitx; sikwit, dan huwa minħabba anti-Żingariżmu persistenti u nuqqas ta' rieda politika; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju u tintroduċi “politika ta' integrazzjoni tar-Romani” sabiex tintegra l-perspettiva tar-Romani fl-istadji u fil-livelli kollha tal-politiki, programmi u proġetti ġenerali, iżda mingħajr ma teskludi l-approċċ immirat, u tipprevjeni d-diskriminazzjoni fil-politika tal-UE b'mod ġenerali u tiffaċilita l-azzjoni affermattiva u l-outreach attiv għar-Romani; jistieden lill-Istati Membri jsegwu din it-triq ukoll, u joħolqu politiki li jgħinu l-inklużjoni attiva tar-Romani fis-soċjetajiet tagħna;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni tal-persuni Romani u l-Ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, abbażi ta' valutazzjoni b'reqqa tal-impatt u b'konsultazzjonijiet sistemiċi mal-poplu Romani, esperti Romani u pro-Romani u NGOs mil-livell nazzjonali, reġjonali u speċjalment mil-livell lokali, kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; iqis li din il-proposta tista' tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika tal-persuni r-Romani; huwa tal-fehma li r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li ntużat qabel ma hijiex forma ta' att suffiċjenti, peress li ma kinitx legalment vinkolanti u ma kinitx għamlet impatt pożittiv suffiċjenti fuq il-persuni Romani; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-eteroġeneità interna tal-komunità fl-oqsma ta' prijorità tal-proposta għal wara l-2020, filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, u jinkoraġġixxi b'qawwa l-użu tad-deżinjazzjoni “persuni Romani” meta ssir referenza għall-gruppi Romani fil-politiki u d-diskussjonijiet tal-UE ta' wara l-2020; jinnota li l-parteċipazzjoni ugwali fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, il-parteċipazzjoni politika, u l-lingwa, l-arti, il-kultura u l-istorja tal-persuni Romani għandhom jissemmew b'mod espliċitu fil-proposta tal-UE wara l-2020 għar-Romani, bħala miżuri addizzjonali għall-erba' oqsma ta' prijorità ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa;

3.

Huwa tal-fehma li l-proposta għandha tagħti prijorità lill-ksib ta' impatt pożittiv sinifikanti; għandha tiġbor fiha taħlita ta' aspetti soċjoekonomiċi u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, inkluż pjan biex jiġu eliminati l-inugwaljanzi fir-rigward tal-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni; għandha tinkludi objettivi speċifiċi, komparabbli, li jistgħu jintlaħqu, vinkolanti u marbuta biż-żmien għall-protezzjoni u t-titjib tal-integrazzjoni tar-Romani, fosthom dawk li jappartjenu għal gruppi li jħabbtu wiċċhom ma' diversi tipi ta' diskriminazzjoni, bħaż-żgħażagħ, in-nisa u l-bniet, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità, għall-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva, l-iżvilupp fit-tfulija bikrija u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni; għandha tagħti prijorità lil approċċ ta' ġustizzja, minħabba n-natura kollettiva u strutturali tad-diskriminazzjoni kontra r-Romani; jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ta' wara l-2020 għandha tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-anti-Żingariżmu, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tas-saħħa u l-ikkombinar ta' approċċ immirat u ġenerali;

4.

Jinnota li biex il-proċess futur tal-UE ta' integrazzjoni tar-Romani jkun ta' suċċess u kredibbli hemm bżonn ta' bidla fundamentali fl-approċċ, minn approċċ paternalistiku għal wieħed mhux paternalistiku fir-rigward tar-Romani fl-iżvilupp tal-politiki; jenfasizza li l-isforzi nazzjonali favur l-integrazzjoni tar-Romani għandhom jiġu aċċellerati fl-Istati Membri kollha tal-UE; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-enfasi għandha ssir fuq dawk b'popolazzjoni kbira ta' Romani, fejn proċess ineffettiv tal-integrazzjoni tar-Romani jippreżenta sfidi makroekonomiċi, japprofondixxi d-disparitajiet reġjonali u b'hekk ixekkel il-koeżjoni soċjali tal-UE; jissottolinja li l-appoġġ tal-UE lil dawk il-pajjiżi għandu jikkorrispondi għall-isfidi, u għandha tingħata aktar attenzjoni lill-effikaċja tal-politiki u l-miżuri f'dawn il-pajjiżi; huwa tal-opinjoni li l-proposta ta' wara l-2020 għandha tinkludi wkoll element estern li jittratta l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni u l-pajjiżi kandidati potenzjali kif ukoll il-pajjiżi tal-viċinat, li permezz tiegħu l-UE tista' tappoġġja lil dawn il-pajjiżi fl-iżvilupp ta' strateġiji komprensivi u fit-tul għall-integrazzjoni tar-Romani u toffri appoġġ finanzjarju f'oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabta bejn l-istrumenti finanzjarji u ta' politika ġenerali tal-UE u l-objettivi relatati mal-iżvilupp soċjoekonomiku u l-inklużjoni tan-nies Romani stabbiliti mill-proposta legalment vinkolanti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza l-finanzjament għall-ugwaljanza, l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tar-Romani fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-Pjan ta' Rkupru tal-UE; jinsisti f'dan ir-rigward li l-entitajiet involuti fi prattiki diskriminatorji kontra r-Romani, jew li jieħdu deċiżjonijiet jew jimplimentaw miżuri għal dan il-għan, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir jaġġustaw il-mekkaniżmi finanzjarji ġenerali eżistenti u jagħmluhom flessibbli għall-użu mħallat ta' fondi fil-komunitajiet Romani billi jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni, outreach, il-bini tal-kapaċitajiet, l-għoti ta' assistenza teknika u garanziji matul il-proċess ta' applikazzjoni għall-finanzjament; huwa tal-fehma li l-fondi sikwit jintefqu bl-aktar mod effikaċi fil-livell lokali mill-gvernijiet u l-NGOs lokali, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni żżid il-fondi ddistribwiti lilhom b'mod dirett, u tinvolvi r-rappreżentanti Romani lokali fl-implimentazzjoni; huwa tal-fehma li sabiex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Romani u pro-Romani, għandhom jitqiesu rekwiżiti ta' kofinanzjament aktar flessibbli, peress li ħafna NGOs, speċjalment mil-livell lokali, ma jistgħux jaffordjaw kontribuzzjonijiet finanzjarji proprji, peress li dan huwa ostaklu fl-aċċess għall-fondi tal-UE għall-NGOs fil-livell lokali; jistieden lill-Kummissjoni tirrispondi b'mod effettiv għat-tħassib dwar l-ispazju li dejjem qed jonqos għas-soċjetà ċivili indipendenti f'xi Stati Membri; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-COVID-19 jaf twassal għal tnaqqis fir-rigward tal-programmi dwar id-Drittijiet u l-Valuri għall-QFP 2021-2027 li jmiss, jintlaqtu ħażin l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur il-komunitajiet Romani u b'hekk jintlaqat ħażin l-outreach għall-komunitajiet Romani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw dan ir-riskju b'mod effettiv;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jikkomplementaw l-appoġġ finanzjarju tal-UE sabiex itejbu s-sitwazzjoni tar-Romani; jistieden lill-Istati Membri jindikaw liema livell ta' finanzjament ikun meħtieġ biex iwettqu l-miżuri proposti għall-integrazzjoni tar-Romani u jiddikjaraw l-ammont ta' flus disponibbli għal tali miżuri mill-baġits nazzjonali u minn dawk tal-UE;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jintegraw metodoloġiji ta' mmappjar aħjar għall-komunitajiet Romani emarġinati u mekkaniżmi ta' finanzjament imsaħħa fl-istrutturi tal-iżvilupp reġjonali u lokali tagħhom li jagħtu lok għal aktar investimenti immirat f'komunitajiet Romani emarġinati u inklużjoni aħjar tal-komunitajiet Romani fl-implimentazzjoni tal-fondi sabiex jiġi żgurat li l-fondi allokati jaslu għand ir-Romani u jintefqu sew u mhux jiġu użati ħażin;

Il-ġbir ta' data diżaggregata

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir ġbir sistematiku ta' data robusta u diżaggregata skont l-etniċità u skont il-ġeneru biex talimenta l-analiżi tal-ħtiġijiet u tal-kuntest, tgħin fl-istabbiliment tal-miri u tal-indikaturi tal-impatt sabiex jiġi żgurat l-aħjar eżitu f'termini ta' tqabbil tal-ħtiġijiet mal-ippjanar u l-ibbaġitjar, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' metodi kontrofattwali tal-evalwazzjoni tal-impatt sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-oqfsa ta' politika u l-implimentazzjoni fil-prattika; ifakkar li limitazzjoni kritika għal xi interventi hija d-distakk bejn l-ambizzjoni u l-kapaċità tal-istruttura stabbilita biex jinkisbu r-riżultati, minħabba n-nuqqas ta' ppjanar ibbażat fuq id-data, ibbaġitjar insuffiċjenti u l-ħolqien ta' ħtiġijiet ġodda u mhux previsti;

9.

Ifakkar li fl-2016, il-QEA kkonkludiet li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom kienu sfida sinifikanti għall-Istati Membri kollha li saritilhom żjara; jistieden lill-Kummissjoni tibni approċċi innovattivi, orjentati lejn l-impatt u bbażati fuq id-data bħala input dirett għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri fuq metodoloġija komuni biex tiġi miġbura u ppubblikata data dwar l-ugwaljanza diżaggregata skont l-oriġini etnika kif definit mid-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali li tkun volontarja, anonima u tiżgura l-protezzjoni tad-data personali, l-awtoidentifikazzjoni u l-konsultazzjoni mal-komunitajiet rilevanti, sabiex tinkiseb data affidabbli u komparabbli skont l-oqfsa legali nazzjonali rilevanti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data biex tappoġġja politiki bbażati fuq l-evidenza, biex tittejjeb l-effikaċja tal-istrateġiji u l-miżuri meħuda u biex jiġu identifikati l-problemi strutturali;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jużaw id-data kollha disponibbli biex jistabbilixxu punti ta' riferiment u jiggwidaw l-iżvilupp tal-programmi ta' politika; jenfasizza li huwa vitali li jiġi żviluppat profil aktar preċiż tal-popolazzjoni Romani u tal-ħtiġijiet tagħhom, inkluż fil-pajjiżi kandidati; jissottolinja li l-linji gwida tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jkunu kruċjali f'dan ir-rigward;

Parteċipazzjoni ugwali tal-persuni Romani fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu inklużiv biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, esperti u membri tal-komunità – Romani u pro-Romani – mil-livelli kollha, filwaqt li jinbidel l-approċċ, minn wieħed paternalistiku għal wieħed mhux paternalistiku, inklużi dawk attivi fil-livell lokali u f'dak reġjonali, filwaqt li titqies il-perspettiva tal-ġeneru fid-dibattitu politiku u fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-votanti Romani;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Task Force dwar ir-Romani fil-livell tal-UE biex tiffaċilita l-integrazzjoni tar-Romani f'oqsma differenti ta' politika u ssaħħaħ il-pożizzjoni tar-Romani billi tappoġġja l-bini tal-kapaċità tal-atturi kollha involuti fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar ir-Romani fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, b'mod sostantiv, dinjituż, imparzjali, inklużiv u trasparenti; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-istess meta jkunu qed joħolqu l-Istrateġiji Nazzjonali tagħhom għall-Integrazzjoni tar-Romani wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali, inklużi NGOs, attivisti, esperti lokali, esperti reġjonali, membri tal-komunità u l-persuni milquta mill-anti-Żingariżmu jeħtieġ ikunu involuti b'mod sinifikanti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni u politiki pubbliċi oħra fil-konfront tar-Romani, filwaqt li jagħmlu l-parteċipazzjoni tar-Romani standard ta' kwalità komuni u vinkolanti għall-qafas ġejjieni u għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Romani għal wara l-2020, akkumpanjati minn qafas komprensiv ta' valutazzjoni konġunta u b'baġit adegwat definit minn qabel, inkorporati fil-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali soġġett għal rieżami u evalwazzjoni perjodiċi u li jirriflettu l-iskala tal-ħtiġijiet ta' inklużjoni soċjali tan-nies Romani; jenfasizza li meta jiġu żviluppati l-baġits lokali, reġjonali u nazzjonali, l-integrazzjoni tal-persuni Romani trid tkun waħda mill-prijoritajiet; jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu f'approċċ orizzontali fl-Istrateġiji Nazzjonali tagħhom għall-Inklużjoni, fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, valutazzjoni tal-progress li jkun sar fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni;

L-anti-Żingariżmu u diskriminazzjoni intersezzjonali

15.

Itenni l-pożizzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu mressqa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; minħabba li s'issa ttieħdet azzjoni limitata, jistieden lill-Kummissjoni tintegra dawk ir-rakkomandazzjonijiet fil-proposta tal-UE ta' wara l-2020 għall-Ugwaljanza, l-Integrazzjoni u l-Parteċipazzjoni tar-Romani u l-Ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet relatati mal-anti-Żingariżmu u l-verità u r-rikonċiljazzjoni, peress li dawn huma l-ġebla tax-xewka għall-bini ta' soċjetà b'saħħitha u inklużiva; jirrifjuta bil-qawwa n-narrattiva politika u l-populiżmu biex tinbena politika tal-gvern fuq l-inċitament tal-anti-Żingariżmu, l-eżerċitar tal-għoti tal-ħtija lir-Romani u l-promozzjoni tad-diskriminazzjoni jew is-segregazzjoni, kemm b'mod dirett kif ukoll b'mod indirett; huwa tal-opinjoni li tali azzjonijiet politiċi ma jmorrux biss kontra l-kostituzzjonijiet nazzjonali iżda wkoll id-drittijiet fundamentali u l-valuri mnaqqxa fit-Trattati tal-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata billi tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur meta jkun hemm riskju ta' ksur tad-dritt tal-UE;

16.

Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-anti-Żingariżmu b'mod uffiċjali bħala forma speċifika ta' razziżmu kontra n-nies Romani;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-anti-Żingariżmu fl-oqsma ewlenin kollha tal-proposta ta' wara l-2020 u jitlob b'insistenza miżuri leġiżlattivi u tal-politika Ewropej u nazzjonali effettivi biex jindirizzaw dan il-fenomenu, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi tat-tkabbir; iqis li l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu hija kwistjoni orizzontali u li għandha titqies fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni, inklużi t-teknoloġiji ġodda; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-teknoloġiji l-ġodda mfassla u użati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma joħolqux riskji ta' diskriminazzjoni għall-minoranzi razzjali u etniċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra l-ħidma tal-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika futur; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sinerġiji aktar b'saħħithom bejn il-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza u l-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tar-Romani biex jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu; Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza effettiva, il-mandat u r-riżorsi meħtieġa tal-korpi tal-ugwaljanza biex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali anke tan-nies Romani; huwa tal-fehma li l-korpi tal-ugwaljanza huma l-istituzzjonijiet xierqa biex jiġbru d-data u josservaw ix-xejriet dwar l-anti-Żingariżmu u biex jgħadduhom lil-livell Ewropew;

18.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għall-ġustizzja u l-ugwaljanza quddiem il-liġi għan-nies Romani; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu lin-nies Romani mit-theddid minn gruppi tal-lemin estrem, jinvestigaw inċidenti ta' abbuż mill-pulizija u jiżguraw il-parteċipazzjoni tar-Romani fil-forzi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà;

19.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw Linji Gwida u jiżviluppaw taħriġ għall-forzi tal-pulizija kontra l-kriminalizzazzjoni sproporzjonata tan-nies Romani, it-tfassil ta' profili etniċi, proċeduri eċċessivi ta' waqfien u ta' tiftix fuq il-persuna, raids bla raġuni fl-insedjamenti tar-Romani, is-sekwestru u l-qerda arbitrarji tal-proprjetà, l-użu eċċessiv tal-forza waqt l-arresti, attakki, theddid, trattament umiljanti, l-abbuż fiżiku, u t-tiċħid tad-drittijiet waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija u l-kustodja u fl-infurzar insuffiċjenti tal-liġi min-naħa tal-pulizija fir-reati mwettqa kontra r-Romani, fejn dawn tal-aħħar jingħataw ftit jew l-ebda assistenza u protezzjoni (bħal pereżempju f'każijiet ta' traffikar u għall-vittimi ta' vjolenza domestika), filwaqt li l-każijiet ta' reati rrapportati minn persuni Romani (b'mod partikolari reati ta' mibegħda) ma jiġux investigati kif suppost jew ma jiġu investigati xejn; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni sħiħa ta' każijiet bħal dawn; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rimedji xierqa;

20.

Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa li l-fenomenu tad-diskors ta' mibegħda online jirrikjedi riflessjoni u azzjoni ulterjuri sabiex jiġi regolat u jinstabu modi ġodda kif tiġi miġġielda retortika ta' dan it-tip, bħal narrativa alternattiva u teknoloġiji li jivverifikaw il-fatti;

21.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar prattiċi effettivi tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u jiżguraw l-infurzar effettiv tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu persistenti; Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jiżblokka n-negozjati dwar id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni, peress li din hija prerekwiżit biex tinkiseb l-ugwaljanza fl-UE;

22.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari rigward il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-vittmi Romani milquta u l-għoti ta' assistenza ġudizzjarja;

23.

Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali li jaħtru korp speċjalizzat għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali u etnika;

24.

Huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni rigward is-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-individwi fl-intersezzjonijiet tar-raġunijiet tad-diskriminazzjoni fl-UE, b'mod partikolari n-nisa, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità;

25.

Ifakkar fir-rwol kritiku tal-midja fit-tnaqqis tal-attitudnijiet anti-Żingaristi permezz ta' kopertura mhux diskriminatorja tal-minoranzi;

Is-saħħa

26.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri biex itejbu l-aċċess tal-persuni Romani għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva ta' kwalità tajba u bi prezz li jintlaħaq, inkluża l-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u b'mod partikolari għan-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità; itenni li element ewlieni f'dan ir-rigward huwa li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, kemm l-aċċess fiżiku kif ukoll it-tneħħija tal-ostakoli intanġibbli tal-preġudizzju u r-razziżmu;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed finanzjament għat-titjib tal-kundizzjoni tas-saħħa ġenerali tal-komunitajiet tar-Romani permezz ta' edukazzjoni dwar is-saħħa u dik sesswali, permezz ta' attivitajiet mobbli għall-iskrinjar tas-saħħa fiż-żoni segregati, permezz ta' kampanji ta' edukazzjoni dwar is-saħħa fir-rigward tal-prevenzjoni, u permezz tat-taħriġ tal-ħaddiema soċjali u tal-qasam tas-saħħa dwar id-diversità, li jikkontribwixxi għall-adattament tas-sistemi tas-saħħa tal-UE għad-diversità;

28.

Jikkundanna b'qawwa s-segregazzjoni etnika ta' nisa Romani fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa materna; jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu minnufih il-forom kollha ta' segregazzjoni etnika fil-faċilitajiet tas-saħħa, inkluż fil-kuntesti tal-kura tas-saħħa materna;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw rimedji effettivi u f'waqthom għas-superstiti kollha tal-isterilizzazzjoni mġiegħla u koerċittiva, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' skemi effettivi ta' kumpens;

Aċċess ugwali u ekwu għall-edukazzjoni u għall-arti, il-lingwa u l-kultura Romani

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal għodod jew sottoprogrammi ġodda ta' finanzjament li għandhom ikunu komplementari għall-miżuri tal-Istati Membri għal appoġġ immirat u mfassal apposta għal edukazzjoni ta' kwalità għall-istudenti Romani li jkollhom tliet snin jew aktar, li qed iħabbtu wiċċhom ma faqar estrem u li m'għandhomx aċċess għall-inizjattivi ta' finanzjament eżistenti u futuri tal-UE għall-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, bħall-Erasmus Plus, il-Garanzija għat-Tfal jew il-Fond Soċjali Ewropew Plus;

31.

Jinnota li f'xi Stati Membri sar biss progress limitat matul is-snin preċedenti fil-qasam tal-edukazzjoni tat-tfal Romani żvantaġġati soċjalment minħabba, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' rieda politika u l-anti-Żingariżmu, u dak wassal biex id-distakk bejn l-eżiti edukattivi tal-istudenti Romani u dawk tal-istudenti mhux Romani għadu kbir; ifakkar li huwa essenzjali li t-tfal Romani jingħataw bidu indaqs fil-ħajja, biex jitkisser iċ-ċiklu tat-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku fl-oqsma kollha ta' politika u jpoġġu l-edukazzjoni tat-tfal Romani fuq quddiem fl-aġendi tal-gvernijiet;

32.

Jirrakkomanda li l-edukazzjoni tal-istudenti Romani vulnerabbli għandha tibda kmieni kemm jista' jkun, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi f'kull Stat Membru, billi jiġu inklużi f'servizzi ugwali, bi prezz li jintlaħaq, aċċessibbli u inklużivi tat-tfulija bikrija u tal-indukrar tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u programmi intiżi biex jiffaċilitaw l-aċċess tar-Romani għall-faċilitajiet tal-indokrar tat-tfal, l-iskejjel u l-universitajiet, li huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp personali u tal-karrieri, u jfakkar li l-attivitajiet extrakurrikulari, bħal attivitajiet sportivi jew artistiċi, huma mezzi eċċellenti ta' integrazzjoni;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament xieraq lill-NGOs li jipprovdu tali attivitajiet peress li dawn l-attivitajiet huma kruċjali biex jinħolqu ambjent u kundizzjonijiet fejn it-tfal minn kull sfond ikollhom opportunitajiet indaqs; iqis li l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri wkoll huwa kruċjali f'dan il-qasam;

34.

Jinsab partikolarment imħasseb mil-livell għoli ta' segregazzjoni tat-tfal Romani fl-iskejjel u l-prattika diskriminatorja li t-tfal Romani jitpoġġew fi skejjel għat-tfal b'diżabilità mentali, li għadhom ippersistu f'xi Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jtemmu prattiki bħal dawn, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-miżuri biex tiġi eliminata kwalunkwe forma ta' segregazzjoni, fl-iskejjel jew fil-klassijiet, tal-istudenti Romani, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013, billi jimplimentaw firxa wiesgħa ta' miżuri li jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet ikkonċernati lokali, b'mod partikolari lill-ġenituri u t-tfal Romani, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-komunità, u billi jiġu żviluppati azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni;

35.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-iskejjel u l-ispettorati kollha jissodisfaw verament l-obbligu legali tagħhom li jiddesegregaw l-iskejjel u anke li jimpenjaw ruħhom li kull sena jiġbru u jippubblikaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-segregazzjoni tal-iskejjel fil-livelli kollha, inkluż billi jissanzjonaw lil dawk li jonqsu milli jikkonformaw; Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw prattiki tajba bħall-istabbiliment u l-għoti ta' kapaċitajiet u riżorsi lil kummissjoni ministerjali ta' desegregazzjoni sabiex tappoġġja lill-iskejjel li jixtiequ jiddesegregaw u tissanzjona lil dawk li ma jikkonformawx; ifakkar li l-Kummissjoni fetħet tliet proċeduri ta' ksur dwar is-segregazzjoni tat-tfal Romani; huwa tal-opinjoni li f'dawn l-aħħar snin, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, ma kienx hemm titjib; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri u tirreferi dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea jekk ikun meħtieġ;

36.

Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li l-ġenituri Romani jiġu involuti f'kull stadju tal-edukazzjoni tat-tfal tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi mmirati lejn l-inklużjoni tal-ġenituri Romani fil-proċess skolastiku u l-iżvilupp edukattiv u personali tat-tfal tagħhom; jenfasizza li l-kapaċità tal-Istati Membri li jiżguraw l-involviment tal-ġenituri Romani tiddependi ħafna minn diversi fatturi, kemm soċjetali kif ukoll ekonomiċi, u jitlob li jingħata appoġġ speċjali – f'termini tal-integrità tas-saħħa, tal-provvista tal-ikel u tal-ħwejjeġ għall-iskola – għall-familji Romani li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ekonomiċi, soċjali, mediċi jew ta' akkomodazzjoni; jemmen li għat-tfal li abbandunaw l-iskola u/jew li huma illiterati u m'għandhomx ħiliet bażiċi, għandhom jitfasslu opportunitajiet ġodda biex dawn ikomplu l-edukazzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn f'dan ir-rigward;

37.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw l-aċċess indaqs tat-tfal Romani għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, inkluż permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim mis-servizzi fil-komunità u ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri biex, fil-kurrikuli regolari tal-iskola u fil-media, jindirizzaw b'mod strutturat ir-rispett għad-diversità, il-komprensjoni interkulturali u d-drittijiet tal-bniedem; u jinkludu t-taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem, it-tmexxija u ċ-ċittadinanza demokratika, kif ukoll l-istorja Romani, fil-kurrikuli skolastiċi tagħhom, u jxerrdu u jespandu programmi universitarji Romani fil-livell Ewropew;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jfasslu liġijiet u miżuri ta' politika bil-għan li jiżguraw rimedji għat-tfal Romani kollha li ngħataw dijanjożi ħażina u tpoġġew fi skejjel speċjali jew fi klassijiet għar-Romani biss jew fi skejjel abbażi tal-oriġini etnika u li b'konsegwenza ta' dan ġew imċaħħda mid-drittijiet fundamentali u l-opportunitajiet għal edukazzjoni ta' kwalità u impjiegi tajbin;

39.

Huwa tal-fehma li l-COVID-19 ħolqot il-ħtieġa tal-użu attiv tat-teknoloġiji u l-metodi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT); jenfasizza madankollu li l-pandemija żvelat nuqqas ta' livell suffiċjenti ta' tħejjija fit-trasformazzjoni diġitali, peress li ħafna familji Romani u l-iskejjel tagħhom mhumiex mgħammra b'għodod u ħiliet adegwati tal-ICT, u spiss ma jkollhomx riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-elettriku u l-konnettività diġitali; iqis li l-pussess ta' tagħmir tal-ICT huwa l-punt kruċjali fl-edukazzjoni diġitali u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq ġabra ta' għodod tal-ICT u tqassamhom fost il-familji u t-tfal l-aktar vulnerabbli biex tipprovdilhom l-għodod bażiċi għat-tagħlim mill-bogħod u tħejjihom għall-era diġitali; iqis li l-aċċess għall-internet u l-ħiliet tal-ICT huma pedament tal-era diġitali li jmiss għal kull ċittadin, u bħala tali huwa essenzjali wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni Romani; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi d-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-internet fil-proposta għal wara l-2020; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-ħiliet tal-ICT fil-kurrikulu tagħhom minn età bikrija u jinvestu fi programmi ta' litteriżmu diġitali li jistgħu jappoġġjaw lit-tfal Romani;

40.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-lingwa, il-kultura u l-istorja tar-Romani fil-kurrikuli tal-iskejjel, il-mużewijiet u forom oħra ta' espressjoni kulturali u storika, u jirrikonoxxu l-kontribut tal-kultura tar-Romani bħala parti mill-Wirt Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri koerenti u konsistenti, b'baġits xierqa biex jistimulaw, jappoġġjaw u jippromwovu l-arti u l-kultura Romani, jirriċerkaw u jippreservaw il-materjal u l-wirt intanġibbli tal-kultura tradizzjonali Romani u biex jerġgħu jqajmu u jippromwovu s-snajja' tradizzjonali tar-Romani;

L-akkomodazzjoni ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq, il-ġustizzja ambjentali

41.

Jisħaq li l-akkomodazzjoni mhijiex komodità, iżda neċessità, li mingħajrha l-persuni la jistgħu jieħdu sehem għalkollox fis-soċjetà u lanqas ikollhom aċċess għad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw fil-politiki tagħhom ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dritt għal akkomodazzjoni bi prezz li jintlaħaq, id-dover ittraskurat tal-Ewropa (The right to affordable housing, Europe's neglected duty), b'referenza partikolari għall-iżgurar li l-Istati Membri kollha jaċċettaw minnufih li jkunu marbuta bl-Artikolu 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta li tittratta d-dritt għall-akkomodazzjoni, u jżidu l-investiment f'akkomodazzjoni soċjali u bi prezz li jintlaħaq biex jitneħħa l-piż eċċessiv tal-ispiża tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari fost il-gruppi emarġinati;

42.

Iħeġġeġ b'qawwa lill-Istati Membri jiżguraw li r-Romani jkunu rreġistrati kif xieraq b'karti tal-identità u b'ċertifikati tat-twelid, u li l-proprjetajiet tagħhom (l-artijiet u d-djar) ikunu rreġistrati wkoll, u jiżguraw proċeduri legali u amministrattivi aktar flessibbli fil-futur;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni ffullati u inumani li jgħixu fihom ir-Romani, jillegalizzaw l-insedjamenti informali tagħhom, billi jinvestu fl-infrastruttura u t-titjib tal-akkomodazzjoni għall-insedjamenti informali li jkun għadhom kemm ġew legalizzati;

44.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmu komprensiv biex jiġi żgurat li d-diskriminazzjoni u l-abbuż kontra l-persuni Romani fil-qasam tal-akkomodazzjoni jiġu prevenuti u sanzjonati, biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nuqqas ta' akkomodazzjoni u biex ikunu provduti siti xierqa fejn il-persuni Romani mhux sedentarji jkunu jistgħu jieqfu; jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu aktar żgumbramenti furzati tal-persuni Romani billi jiżguraw li prattiki bħal dawn isiru dejjem f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, Ewropew u nazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni kkonċernati jingħataw avviż raġonevoli u informazzjoni adegwata u jindika li m'għandhomx isiru żgumbramenti mingħajr ma tiġi provduta akkomodazzjoni ta' sostituzzjoni standard, ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq f'ambjent mhux segregat, u li jkollha aċċess għas-servizzi pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' investimenti pubbliċi sabiex tingħeleb is-segregazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-desegregazzjoni tal-ispazju; jindika li l-iżolament ġeografiku u s-segregazzjoni tal-akkomodazzjoni jżommu lill-membri tal-minoranzi etniċi 'l bogħod minn impjiegi deċenti, irrispettivament mil-livell ta' kwalifiki tagħhom; jinnota li huwa essenzjali li jinstabu soluzzjonijiet għall-iżgumbramenti permezz tal-involviment ta' istituzzjonijiet differenti, filwaqt li azzjonijiet li jindirizzaw l-akkomodazzjoni tar-Romani għandhom jiġu integrati f'attivitajiet nazzjonali u inizjattivi leġiżlattivi usa' li jiffokaw fuq l-akkomodazzjoni soċjali jew programmi ta' assistenza;

45.

Ifakkar li l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 qed jinħassu l-aktar minn dawk li huma l-aktar fil-bżonn, inklużi l-komunitajiet Romani, fl-UE kollha, u jiddeplora l-fatt li l-komunitajiet Romani qed jiġu ddiskriminati u emarġinati aktar minħabba l-pandemija tal-coronavirus; jistieden lill-Istati Membri biex fl-ambitu tal-kriżi tal-COVID-19 jadottaw miżuri urġenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ilma, sanità adegwata, elettriku u infrastruttura meħtieġa fil-komunitajiet Romani foqra; jistieden lill-Istati Membri jinkludu għalkollox l-insedjamenti tar-Romani fil-miżuri ta' diżinfezzjoni, jipprojbixxu l-kanċellazzjoni tas-servizzi bażiċi ta' utilità matul il-pandemija, jikkunsidraw li jissussidjaw l-ispejjeż tal-konsum għall-persuni l-aktar vulnerabbli u għal dawk li tilfu d-dħul, jew li jiffriżaw il-pagamenti sa tmiem il-perjodu tal-pjan ta' rkupru, jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-ġenituri waħedhom/ommijiet waħedhom għall-indukrar tat-tfal, il-ħlasijiet tal-kera u spejjeż oħra tad-dar biex tittaffa t-tbatija finanzjarja, speċjalment fid-dawl tat-telf tal-impjiegi;

46.

Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni fl-UE kollha tal-Konvenzjoni ta' Aarhus li torbot id-drittijiet ambjentali mad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-inġustizzji ambjentali jiġu integrati fil-proposta ta' wara l-2020 u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-forom differenti ta' diskriminazzjoni ambjentali;

In-nisa u l-bniet Romani

47.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lil perspettiva tal-ġeneru u lill-politiki sensittivi għall-ġeneru u li tiġi miġġielda l-vjolenza (inkluż it-traffikar tal-bnedmin); iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jagħmlu dan b'urġenza; jinnota li l-politiki futuri għandhom jirrikonoxxu dawn id-differenzi u jindirizzawhom billi jipprovdu lin-nisa Romani interventi speċifiċi u forom partikolari ta' appoġġ; jenfasizza li peress li n-nisa u l-bniet Romani spiss jiġu soġġetti għal diversi tipi ta' diskriminazzjoni, għandhom jiġu previsti miżuri speċifiċi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;

48.

Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u, fejn rilevanti, l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu lin-nisa Romani, permezz tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzoni tar-Romani u joħolqu rabtiet bejn il-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-istrateġiji ta' integrazzjoni soċjali sabiex tinbena l-fiduċja mal-komunitajiet u tiġi żgurata s-sensittività għall-kuntesti lokali;

49.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tagħhom jinkludu kapitolu speċifiku dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li f'kull taqsima tagħhom jiġu applikati miżuri ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bl-għan li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari fl-allokazzjoni tal-fondi, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom li jenfasizzaw li jeħtieġ tiġi applikata perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet kollha għall-avvanz tal-inklużjoni tar-Romani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw jekk il-politiki jkunux qed iġibu t-titjib mixtieq għan-nisa u l-bniet Romani, u jieħdu azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' progress;

50.

Jistieden lill-Istati Membri jfasslu miżuri biex jappoġġjaw lin-nisa Romani biex iwettqu għalkollox il-potenzjal u l-possibilitajiet tagħhom li jaġixxu bħala ċittadini attivi indipendenti, emanċipati u li jemmnu fihom infushom; jistieden lill-Istati Membri jespandu s-sistemi ta' medjazzjoni Romani fil-qasam tas-saħħa u fl-iskejjel, obbligatorji, għall-komunitajiet Romani kollha, biex jiġi żgurat medjatur għal kull 500 persuna u biex jiffinanzjaw u jappoġġjaw is-sistemi kif jixraq, filwaqt li jagħtu lill-medjaturi rwol aktar kruċjali fil-proċess tal-inklużjoni;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu lill-bniet u n-nisa Romani b'mod aktar espliċitu fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tan-nisa u t-tfal Romani jiġu rispettati, u li – anke permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni – in-nisa u l-bniet Romani jsiru konxji mid-drittijiet tagħhom fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni, u biex ikomplu jiġġieldu kontra t-tradizzjonijiet patrijarkali u sessisti;

Servizzi ta' impjiegi ta' kwalità

53.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw servizzi ta' impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ Romani, inklużi dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ u li qed jiffaċċjaw faqar estrem;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar linji gwida u standards għal politiki ta' reklutaġġ ħielsa mid-diskriminazzjoni għall-Istati Membri u għal min iħaddem, inklużi rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni ta' pjanijiet għall-ugwaljanza fil-livell tal-kumpaniji u fil-ftehimiet kollettivi settorjali u għall-implimentazzjoni ta' task forces dwar id-diversità fuq il-post tax-xogħol, fosthom l-indirizzar tal-istereotipi, il-preġudizzji u l-attitudnijiet negattivi, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ, fil-promozzjoni, fis-salarju u fl-aċċess għat-taħriġ; jenfasizza l-fatt li dawn il-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza għandhom jintużaw ukoll biex tiġi promossa d-diversità etnika u kulturali fuq il-post tax-xogħol, biex jiġu żviluppati regolamenti interni kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju marbuta mar-razziżmu fuq il-post tax-xogħol, biex jiġu mmonitorjati u riveduti r-reklutaġġ, il-progressjoni u ż-żamma tal-forza tax-xogħol mill-aspett tal-ugwaljanza sabiex jiġu identifikati prattiki diskriminatorji diretti jew indiretti u jiġu adottati miżuri korrettivi biex titnaqqas l-inugwaljanza f'kull wieħed minn dawn l-oqsma u, għal dan il-għan, tinġabar data dwar l-ugwaljanza fir-rigward tal-istandards tal-privatezza u tad-drittijiet fundamentali;

55.

Jenfasizza li l-aktar punt kritiku li għandu jiġi indirizzat fil-qasam tal-impjiegi fir-rigward tar-Romani hu t-tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-forom differenti ta' impjieg mhux iddikjarat, diskriminazzjoni min-naħa ta' min iħaddem u tqabbil tad-domanda għax-xogħol mal-provvista tal-ħaddiema;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li tadotta pjan ta' azzjoni biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tinkorpora l-integrazzjoni tar-Romani bħala indikatur fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għal impjiegi deċenti u pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persuni Romani, u jiggarantixxu li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali u s-servizzi soċjali jkunu adegwati u aċċessibbli u jintużaw mill-benefiċjarji potenzjali kollha, u jinkludu kopertura ta' kura tas-saħħa universali mingħajr diskriminazzjoni, kif ukoll skemi ta' introjtu minimu u drittijiet tal-pensjoni;

o

o o

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-parlamenti subnazzjonali u lill-kunsilli tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(4)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(5)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.

(6)  ĠU C 328, 6.9.2016, p. 4.

(7)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 171.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

(9)  Testi adottati, P8_TA(2019)0075.

(10)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 21.

(11)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 24.

(12)  Testi adottati, P8_TA(2018)0428.

(13)  Testi adottati, P8_TA(2018)0447.

(14)  Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom – 2019.

(15)  Kummissjoni Ewropea, “Mid-term evaluation of the EU framework for NRIS” (Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-UE għall-NRIS).

(16)  FRA, “Second European Union Minorities and Discrimination Survey, Roma – Selected findings, 2016.” (FRA, it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Ir-Rom – Sejbiet magħżula, 2016.)

(17)  FRA, “Second European Union Minorities and Discrimination Survey, Roma – Selected findings, 2016.” (FRA, it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Ir-Rom – Sejbiet magħżula, 2016.)


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/117


P9_TA(2020)0230

Tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar it-tħejjija tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, b'enfasi fuq l-eskalazzjoni perikoluża u r-rwol tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran (2020/2774(RSP))

(2021/C 385/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (1), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (3), tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija (4), tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti (5) u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru (6),

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-9 ta' Lulju 2020 dwar l-istabbiltà u s-sigurtà fil-Lvant tal-Mediterran u r-rwol negattiv tat-Turkija,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2019)0220),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivitajiet ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Awwissu 2020 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir li reġgħet bdiet it-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran, wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet li għamel waqt konferenza stampa wara l-laqgħa li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Tork, Mevlut Çavuşoğlu, fis-6 ta' Lulju 2020, l-osservazzjonijiet li għamel wara l-laqgħa li kellu mal-Ministru għad-Difiża Grieg, Nikolaos Panagiotopoulos, fil-25 ta' Ġunju 2020 u l-osservazzjonijiet li għamel wara l-laqgħa li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiprijott, Nikos Christodoulides, fis-26 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija, u b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar il-Lvant tal-Mediterran, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2020 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 dwar l-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tal-15 ta' Mejju 2020 u tal-14 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE (Gymnich) tat-28 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra t-Trattat tan-NATO tal-1949 u d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-3 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ajaccio wara s-seba' Summit tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni (MED7) tal-10 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra d-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982 li tagħha huma firmatarji l-Greċja u Ċipru, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, u l-Karta tan-NU,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) u l-preċedenti stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Lvant tal-Mediterran, żona ta' importanza strateġika għall-UE u żona fundamentali għall-paċi u għall-istabbiltà tar-reġjuni tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani kollha kemm huma, huwa mifni minn għadd ta' tilwim, li ilu żmien twil u mifrux fuq diversi livelli, ta' natura politika, ekonomika u ġeostrateġika; billi t-tensjonijiet dejjem akbar fil-Lvant tal-Mediterran huma mkebbsa minn azzjonijiet unilaterali min-naħa tat-Turkija, b'mod partikolari l-miżuri unilaterali adottati mill-partijiet ikkonċernati, inkluża l-azzjoni militari, in-nuqqas ta' djalogu diplomatiku inklussiv u l-falliment deplorevoli tal-isforzi ta' medjazzjoni tal-kunflitt;

B.

billi, sa mill-iskoperta ta' riżervi ta' gass naturali fil-baħar fil-bidu tas-snin 2000, it-Turkija sfidat lill-ġirien tagħha fir-rigward tad-dritt internazzjonali u d-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklussivi (ŻEE) tagħhom; billi l-iskoperta ta' riżervi ta' gass importanti fil-Mediterran, inkluża dik tal-baċir Leviathan fl-2010, segwita fl-2015 mill-baċir Zohr fil-baħar tal-Eġittu, l-akbar skoperta ta' gass naturali li qatt saret fil-Baħar Mediterran, qanqlu interess fir-reġjun u wasslu għal aktar esplorazzjonijiet u tħaffir fl-2018 u fl-2019;

C.

billi t-Turkija ma ffirmatx l-UNCLOS, li tagħha l-Greċja u Ċipru huma firmatarji, minħabba t-tilwima marittima li għaddejja dwar id-delimitazzjoni ta' ŻEE; billi l-iżvilupp, intrinsikament kumpless, tad-dritt tal-baħar huwa interpretat b'mod differenti mill-Greċja u mit-Turkija; billi hemm rivendikazzjonijiet reċiproċi li l-interpretazzjoni tad-dritt marittimu min-naħa l-oħra tmur kontra d-dritt internazzjonali u li l-attivitajiet tan-naħa l-oħra huma illegali; billi t-tilwima msemmija qabel dwar id-delimitazzjoni taż-ŻEE u l-blata kontinentali bejn it-Turkija, minn naħa, u l-Greċja, mill-oħra, ilha mhux solvuta minn Novembru 1973;

D.

billi t-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħba importanti tal-Unjoni Ewropea u, bħala pajjiż kandidat, hija mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż fil-konformità tagħha mal-konvenzjonijiet internazzjonali; billi l-UE hija ċara u determinata li tiddefendi l-interessi tal-Unjoni Ewropea, turi l-appoġġ sod tagħha u s-solidarjetà tagħha mal-Greċja u ma' Ċipru u tirrispetta d-dritt internazzjonali;

E.

billi l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u tħaffir min-naħa tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran qegħdin jirriżultaw f'militarizzazzjoni intensa u perikoluża tal-Lvant tal-Mediterran, u b'hekk joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà tar-reġjun kollu; billi biex issostni lill-Greċja u lil Ċipru, fit-12 ta' Awwissu 2020, Franza bagħtet żewġ bastimenti militari u ajruplani tal-ġlied fiż-żona, u fis-26 ta' Awwissu 2020 ħadet sehem f'taħriġ militari flimkien mal-Greċja, ma' Ċipru u mal-Italja;

F.

billi fl-10 ta' Ġunju 2020 bastiment militari Franċiż iltaqa' ma' reazzjoni estremament ostili minn bastimenti tal-gwerra Torok meta, fil-qafas tal-missjoni Sea Guardian tan-NATO, kien qed jitlob li jispezzjona bastiment Tork issuspettat li kiser l-embargo fuq l-armi impost min-NU fuq il-Libja; billi, minn Jannar 2020, il-Greċja rreġistrat aktar minn 600 każ ta' ksur tal-ispazju tal-ajru tagħha mill-Forza tal-Ajru Torka; billi dawn l-attivitajiet tat-Turkija huma akkumpanjati minn retorika dejjem aktar ostili kemm kontra l-Greċja kif ukoll kontra Ċipru, Stati Membri oħra tal-UE u l-UE nnifisha;

G.

billi t-taħditiet esploratorji bejn il-Greċja u t-Turkija ilhom wieqfa minn Marzu 2016; billi ngħatat spinta pożittiva favur relazzjonijiet bilaterali kemm mill-Prim Ministru Grieg kif ukoll mill-President Tork wara l-laqgħa li kellhom f'Settembru 2019 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, u f'Diċembru biex jissokta d-djalogu politiku, li warajha uffiċjali għolja ltaqgħu f'Ankara f'Jannar 2020, u fi Frar 2020, f'Ateni, ġew diskussi miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja;

H.

billi f'Jannar 2019, il-gvernijiet ta' Ċipru, l-Eġittu, il-Greċja, l-Iżrael, l-Italja, il-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana waqqfu l-Eastern Mediterranean Gas Forum, organu multinazzjonali bil-kompitu li jiżviluppa suq tal-gass reġjonali u mekkaniżmu għall-iżvilupp tar-riżorsi; billi dan irċieva l-kritika tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Tork, li jafferma li tali Forum jipprova jeskludi lil Ankara mill-kooperazzjoni u mill-koordinament reġjonali fis-suq tal-gass;

I.

billi f'Novembru 2019 it-Turkija u l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali tal-Libja ffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) li jiddetermina delimitazzjoni marittima ġdida bejn iż-żewġ pajjiżi, minkejja li ma għandhom l-ebda kosta adjaċenti jew faċċata ta' xulxin; billi l-MtQ bejn it-Turkija u l-Libja dwar id-delimitazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet marittimi fil-Baħar Mediterran jikser id-drittijiet sovrani ta' pajjiżi terzi, mhuwiex konformi mad-dritt tal-baħar u ma jista' jipproduċi l-ebda effett ġuridiku fil-konfront ta' pajjiżi terzi; billi dan il-MtQ, jekk applikat, ikun effettivament jimmarka linja fil-Mediterran li tifred in-naħa tal-Lvant minn dik tal-Punent u b'hekk jhedded is-sigurtà marittima;

J.

billi fl-20 ta' April 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment tat-tħaffir Yavuz, akkumpanjat minn bastiment militari Tork, fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi fit-30 ta' Lulju 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment ta' riċerka sismika Barbaros, akkumpanjat minn bastiment militari Tork u bastiment ieħor ta' sostenn, fiż-ŻEE ta' Ċipru; billi fl-10 ta' Awwissu 2020, it-Turkija bagħtet il-bastiment ta' riċerka Oruç Reis, akkumpanjat minn bastimenti tal-gwerra, fl-ibħra Griegi biex jimmappjaw it-territorju marittimu għall-possibbiltà ta' tħaffir għaż-żejt u għall-gass f'żona li fiha anki t-Turkija għandha rivendikazzjonijiet ta' ġurisdizzjoni; billi l-Greċja wieġbet billi bagħtet il-bastimenti tal-gwerra tagħha biex issegwi l-bastimenti Torok, u wieħed minnhom ħabat ma' bastiment Grieg; billi fil-31 ta' Awwissu 2020 it-Turkija pprorogat l-esplorazzjonijiet ta' Oruç Reis fil-Lvant tal-Mediterran sat-12 ta' Settembru 2020; billi t-twissija navali (Navtex) tat-Turkija tikkonċerna żona li tinsab fuq il-blata kontinentali Griega; billi tali attivitajiet tat-Turkija wasslu għal deterjorament sinifikanti tar-relazzjonijiet bejn il-Greċja u t-Turkija;

K.

billi wara li skadiet in-Navtex relatata mal-ibħra bejn it-Turkija, Ċipru, u Kreta, maħruġa fl-10 ta' Awwissu 2020, il-bastiment ta' riċerka sismika tat-Turkija Oruç Reis, fit-13 ta' Settembru 2020, reġa' lura fl-ibħra qrib il-provinċja tan-Nofsinhar ta' Antalya wara diversi sforzi ta' negozjar, mossa li setgħet tikkontribwixxi biex jittaffew it-tensjonijiet bejn Ankara u Ateni;

L.

billi f'Novembru 2019, ġie stabbilit qafas għal miżuri restrittivi bi tweġiba għall-attivitajiet ta' tħaffir illegali tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran wara li l-Kunsill ripetutament esprima t-tħassib tiegħu u kkundanna bil-qawwa l-attivitajiet ta' tħaffir f'diversi sensiliet ta' konklużjonijiet, inklużi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018 u tal-20 ta' Ġunju 2019; billi fis-27 ta' Frar 2020 il-Kunsill inkluda żewġ uffiċjali eżekuttivi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO) fl-lista ta' sanzjonijiet tal-UE, u impona projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, wara l-involviment tat-Turkija f'attivitajiet ta' tħaffir illegali fil-Lvant tal-Mediterran; billi fit-28 ta' Awwissu 2020 il-laqgħa informali tal-Kunsill (Gymnich) appellat għal aktar sanzjonijiet immirati kontra t-Turkija fil-każ li ma tnaqqasx it-tensjonijiet fir-reġjun; billi dawn il-miżuri restrittivi se jiġu diskussi fis-summit speċjali tal-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta' Settembru 2020; billi fl-10 ta' Settembru 2020, waqt is-Summit Med7, il-mexxejja nazzjonali tal-Istati Mediterranji esprimew appoġġ sħiħ lill-Greċja u solidarjetà magħha u esprimew dispjaċir li t-Turkija ma kinitx wieġbet għat-talbiet ripetuti tal-UE biex ittemm l-azzjonijiet unilaterali u illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran u fl-Eġew;

M.

billi l-VP/RGħ Borrell, li wettaq attività intensa fir-reġjun, flimkien mal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ipprova jfittex soluzzjonijiet permezz ta' djalogu bejn it-Turkija, il-Greċja u Ċipru; billi biex id-djalogu jkun jista' jimxi 'l quddiem, it-Turkija għandha tastjeni milli tieħu azzjonijiet unilaterali; billi t-tentattivi ta' medjazzjoni mmexxija mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill matul ix-xhur ta' Lulju u Awwissu sfortunatament fallew; billi, waqt li kienu għaddejjin in-negozjati, fis-6 ta' Awwissu 2020 l-Eġittu u l-Greċja kkonkludew ftehim marittimu bilaterali li jiddemarka ŻEE għad-drittijiet tat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, wara 15-il sena ta' negozjati mat-Turkija u Ċipru dwar il-kwistjoni;

N.

billi n-NATO pproponiet ukoll diversi inizjattivi għal djalogu bejn il-Greċja u t-Turkija u nnegozjat taħditiet bejniethom; billi l-Artikolu 1 tat-Trattat tan-NATO jipprevedi li l-partijiet tat-Trattat jimpenjaw ruħhom li jsolvu kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih b'mezzi paċifiċi b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jastjenu milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

O.

billi l-Karta tan-NU tipprevedi li l-istati għandhom jimpenjaw ruħhom li jsolvu b'mezzi paċifiċi kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih, b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jastjenu milli jirrikorru għat-theddid jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

1.

Jinsab inkwetat ħafna bit-tilwima li għaddejja u bir-riskju relatat ta' eskalazzjoni militari ulterjuri fil-Lvant tal-Mediterran bejn Stati Membri tal-UE u pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE; jinsab konvint sew li riżoluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt tista' tinstab biss permezz tad-djalogu, id-diplomazija u n-negozjati fi spirtu ta' rieda tajba u f'konformità mad-dritt internazzjonali;

2.

Jikkundanna l-attivitajiet illegali tat-Turkija fil-blata kontinentali/ŻEE tal-Greċja u ta' Ċipru, li jiksru d-drittijiet sovrani ta' dawn l-Istati Membri tal-UE u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Greċja u ma' Ċipru; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim u tastjeni minn kull azzjoni jew theddida unilaterali u illegali, peress li dan jista' jkollu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat;

3.

Jilqa' d-deċiżjoni tat-Turkija tat-12 ta' Settembru 2020 li tirtira l-bastiment ta' riċerka sismika tagħha, Oruç Reis, u b'hekk ħadet l-ewwel pass biex ittaffi t-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran; jikkundanna d-deċiżjoni tat-Turkija tal-15 ta' Settembru 2020 li toħroġ Navtex ġdid biex testendi l-mandat tal-bastiment tat-tħaffir Yavuz sat-12 ta' Ottubru 2020; iħeġġeġ lit-Turkija turi moderazzjoni u tikkontribwixxi b'mod attiv biex ittaffi t-tensjonijiet tas-sitwazzjoni, inkluż billi tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-ġirien kollha tagħha, billi ttemm minnufih kull attività illegali oħra ta' esplorazzjoni u tħaffir fil-Lvant tal-Mediterran, tastjeni milli tikser l-ispazju tal-ajru Grieg u l-ibħra territorjali Griegi u Ċiprijotti u tiddiżassoċja ruħha mir-retorika belliġeranti nazzjonalistika; jirrifjuta l-użu ta' theddid u lingwaġġ abbużiv fil-konfront tal-Istati Membri u tal-UE, li huma inaċċettabbli u mhux f'lokhom għal pajjiż kandidat tal-UE;

4.

Jesprimi l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni b'mezzi diplomatiċi, medjazzjoni u d-dritt internazzjonali u jappoġġa bil-qawwa r-ritorn għad-djalogu bejn il-partijiet; jistieden lill-atturi kollha involuti, speċjalment lit-Turkija, biex jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis urġenti tat-tensjoni billi jirtiraw il-preżenza militari tagħhom fir-reġjun sabiex jippermettu djalogu u kooperazzjoni effettiva;

5.

Jistieden lit-Turkija, bħala pajjiż kandidat tal-UE, tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-baħar u s-sovranità tal-Greċja u ta' Ċipru, Stati Membri tal-UE, fuq l-ibħra territorjali tagħhom, kif ukoll id-drittijiet sovrani kollha tagħhom fiż-żoni marittimi tagħhom; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Tork biex jiffirma u jirratifika l-UNCLOS u jfakkar li għalkemm it-Turkija mhijiex firmatarja, id-dritt konswetudinarju jipprevedi ŻEE anke għal gżejjer li mhumiex abitati;

6.

Jiddeplora l-fatt li ż-żieda fl-eskalazzjoni tat-tensjoni timmina l-prospettivi għall-issuktar tat-taħditiet diretti dwar ir-riżoluzzjoni komprensiva tal-problema ta' Ċipru, filwaqt li din tibqa' l-aktar triq effettiva fir-rigward tal-prospettivi għad-delimitazzjoni taż-ŻEE bejn Ċipru u t-Turkija; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha jsostnu b'mod attiv in-negozjati għal soluzzjoni ekwa, komprensiva u prattikabbli tal-kwistjoni ta' Ċipru fil-qafas tan-NU, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont id-dritt internazzjonali, l-acquis tal-UE u abbażi tar-rispett tal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

7.

Jilqa' l-istedina tal-Gvernijiet ta' Ċipru u tal-Greċja lit-Turkija biex jinnegozjaw f'bona fide d-delimitazzjoni marittima bejn il-kosti rispettivi tagħhom; iħeġġeġ lill-partijiet jirreferu l-kwistjonijiet rilevanti lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tal-Aja jew jirrikorru għall-arbitraġġ internazzjonali jekk ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni permezz tal-medjazzjoni;

8.

Jilqa' l-isforzi li saru mill-UE, b'mod partikolari mill-VP/RGħ Borrell u mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħan-NATO, fil-kontribut tagħhom biex tinstab soluzzjoni permezz tad-djalogu u d-diplomazija; jistieden lin-naħat kollha biex f'impenn kollettiv ġenwin jinnegozjaw id-delimitazzjoni taż-ŻEE u l-blata kontinentali f'bona fide, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali u l-prinċipju ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; jappoġġa l-proposta għal konferenza multilaterali dwar il-Lvant tal-Mediterran bil-parteċipazzjoni tal-atturi kollha involuti, biex toffri pjattaforma għas-soluzzjoni tat-tilwim permezz tad-djalogu;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jsegwu djalogu usa' u inklużiv mat-Turkija u arkitettura tas-sigurtà komprensiva u strateġika u kooperazzjoni fl-enerġija għall-Mediterran; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibqgħu sodi fl-impenn ta' dan id-djalogu favur il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-prinċipju tas-solidarjetà;

10.

Jitlob b'urġenza valutazzjoni komprensiva tar-riskju ambjentali ta' kull attività ta' tħaffir, fid-dawl tal-bosta riskji assoċjati mal-esplorazzjoni tal-gass fuq il-baħar għall-ambjent, għall-ħaddiema u għall-popolazzjonijiet lokali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jinvestu fl-enerġija rinnovabbli u f'futur sostenibbli li fih ma ssirx ħsara lill-klima, filwaqt li jistieden lill-UE ssostni l-iżvilupp ta' Patt Ekoloġiku għall-Mediterran, li jkun jinkludi pjanijiet ta' investiment fl-enerġija rinnovabbli fir-reġjun kollu kemm hu, bil-għan li jiġi evitat tilwim dwar ir-riżorsi fossili limitati li jagħmlu ħsara lill-klima u lill-ambjent tagħna;

11.

Jesprimi tħassib serju dwar l-istat attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, prinċipalment rigward is-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u l-erożjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jissottolinja l-effetti negattivi tal-imgħoddi u tal-lum tal-inizjattivi unilaterali tal-politika barranija tat-Turkija fir-reġjun kollu kemm hu u jisħaq fuq il-fatt li l-attivitajiet illegali ta' esplorazzjoni u ta' tħaffir tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran ikomplu jikkontribwixxu għad-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija b'mod ġenerali; jistieden lit-Turkija u lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu flimkien biex jappoġġaw ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u d-djalogu politiku fil-Libja u jaderixxu mal-embargo fuq l-armi impost mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddeplora l-impatt negattiv li l-politika barranija Torka attwali u azzjonijiet oħra fil-Mediterran għandhom fuq l-istabbiltà tar-reġjun; itenni l-pożizzjoni tiegħu kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha (7);

12.

Jistieden lill-fora rilevanti fi ħdan in-NATO, u speċjalment lit-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Kontroll tal-Armi Konvenzjonali, jiddiskutu b'urġenza l-kontroll tal-armi fil-Lvant tal-Mediterran.

13.

Itenni li d-djalogu parlamentari bejn l-UE u t-Turkija huwa element importanti tad-djalogu u tal-isforzi biex jittaffew it-tensjonijiet; jiddeplora bil-qawwa r-rifjut kontinwu min-naħa tal-Assemblea l-Kbira Torka li jerġgħu jsiru laqgħat bilaterali tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija; jappella għall-kontinwazzjoni immedjata ta' dawn is-sessjonijiet;

14.

Jinsisti li aktar sanzjonijiet jistgħu jiġu evitati biss permezz ta' djalogu, kooperazzjoni sinċiera u progress konkret fuq il-post; jistieden lill-Kunsill ikun lest jiżviluppa lista ta' miżuri restrittivi oħra fin-nuqqas ta' progress sinifikanti fl-involviment mat-Turkija; jipproponi li tali miżuri għandhom ikunu settorjali u mmirati; jieħu l-pożizzjoni soda li dawn is-sanzjonijiet m'għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-poplu tat-Turkija, fuq l-appoġġ tagħna għas-soċjetà ċivili indipendenti tat-Turkija, jew fuq ir-rifuġjati li jgħixu fit-Turkija;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE.

(1)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 93.

(2)  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 199.

(3)  ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0200.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2019)0017.

(6)  ĠU C 285, 5.8.2016, p. 11.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2019)0049.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/122


P9_TA(2020)0231

Is-sitwazzjoni fil-Belarussja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2020/2779(RSP))

(2021/C 385/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir, b'mod partikolari l-każ dwar il-Kapitlu 97 (1), tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja (2), tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (3), tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (4), u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt fil-Belarussja (5),

wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u tas-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, jiġifieri l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,

wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet presidenzjali, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Awwissu 2020 u tas-17 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Awwissu 2020 qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tal-14 ta' Lulju 2020 dwar in-nuqqas ta' reġistrazzjoni tal-kandidati għall-presidenza, id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada tas-26 ta' Awwissu 2020, kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tal-10 ta' Awwissu 2020 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Awwissu 2020 u dik tal-mexxejja tal-ħames gruppi politiċi tas-17 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra l-eżitu ewlieni tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Awwissu 2020 u l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tas-7 ta' Settembru 2020 dwar l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji u mhux ġustifikati abbażi ta' raġunijiet politiċi, u tal-11 ta' Settembru 2020 dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza u tal-intimidazzjoni fil-konfront tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-SEAE, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-iżviluppi reċenti qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u tat-18 ta' Novembru 2019 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2020 dwar l-estensjoni tal-embargo tal-UE tal-2004 fuq l-armi u t-tagħmir li jistgħu jintużaw fir-repressjoni interna fil-konfront tal-Belarussja (6),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-ODIHR tal-15 ta' Lulju 2020 dwar in-nuqqas ta' mobilizzazzjoni ta' missjoni ta' osservazzjoni elettorali lejn il-Belarussja peress li ma saritlux stedina,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta' Lulju 2020 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE tas-17 ta' Lulju 2020 u r-rapporti preċedenti tal-ODIHR dwar l-elezzjonijiet fil-Belarussja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-10 u l-14 ta' Awwissu 2020 dwar l-iżviluppi wara l-elezzjoni fil-Belarussja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, minkejja tentattivi ripetuti, l-ebda partit politiku ġdid ma ġie rreġistrat fil-Belarussja mis-sena 2000 'l hawn; billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali Belarussa ċaħdet ir-reġistrazzjoni bħala kandidati fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 lil politiċi li jikkritikaw lir-reġim, li kienu allegatament ġabru aktar minn 100 000 firma, kif preskritt mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li ssottolinjat l-ostakli sproporzjonati u mhux raġonevoli għall-kandidatura, li jmorru kontra l-impenji tal-OSKE u standards internazzjonali oħra;

B.

billi l-kampanja presidenzjali kienet ikkaratterizzata sa mill-bidu ta' Mejju 2020 minn repressjoni nazzjonali fuq dimostranti paċifiċi, attivisti tas-soċjetà ċivili, bloggers u ġurnalisti, kif ukoll minn intimidazzjoni gravi ta' attivisti politiċi u tal-familji u s-sostenituri tagħhom; billi aktar minn 650 persuna bejn dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u attivisti ċiviċi sfaw detenuti mal-pajjiż kollu talli pprotestaw kontra r-reġim;

C.

billi l-proċessi elettorali Belarussi ma segwewx il-linji gwida tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li jappellaw għar-rispett tal-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, l-universalità, il-pluraliżmu politiku, il-fiduċja, it-trasparenza u r-responsabbiltà, minkejja li l-Belarussja hija stat parteċipanti tal-OSKE;

D.

billi l-proċess elettorali ma setax jiġi osservat minn missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-OSKE/ODIHR minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Belarussi naqsu intenzjonalment milli joħorġu stedina f'waqtha;

E.

billi f'jum l-elezzjoni ġew rapportati irregolaritajiet u vjolazzjonijiet sistematiċi tal-istandards elettorali internazzjonali, inklużi l-intimidazzjoni tal-votanti, iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom li jivvutaw u l-falsifikazzjoni fuq skala massiva tal-protokolli maħruġa miċ-ċentri tal-votazzjoni; billi osservaturi domestiċi indipendenti, inklużi dawk li mmonitorjaw il-votazzjoni bikrija fl-elezzjonijiet presidenzjali Belarussi, ġew detenuti fil-pajjiż kollu wara li ddokumentaw għadd kbir ta' vjolazzjonjiet tal-liġi elettorali;

F.

billi l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarussja ħabbret li l-President fil-kariga, Aliaksandr Lukashenka, kien rebaħ l-hekk imsejħa elezzjonijiet;

G.

billi rapporti kredibbli mal-pajjiż kollu u inizjattivi tal-midja soċjali fil-livell lokali jixhdu frodi elettorali fuq skala kbira favur il-President fil-kariga, Aliaksandr Lukashenka, u billi bosta Belarussi jikkunsidraw lil Sviatlana Tsikhanouskaya bħala r-rebbieħa tal-elezzjonijiet;

H.

billi immedjatament wara li tħabbru r-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet bdew protesti paċifiċi mingħajr preċedent li jesprimu xewqa għal tibdil demokratiku u r-rispett tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem bdew u għadhom għaddejjin sal-lum, protesti li qed jiġbru flimkien mijiet ta' eluf fit-toroq tal-Belarussja u jilħqu l-ogħla livell ta' parteċipazzjoni matul tmiem il-ġimgħa waqt “marċiet għall-għaqda”, xhieda tal-livell ta' skuntentizza u ta' mobilizzazzjoni tas-soċjetà Belarussa;

I.

billi l-protesti kienu qed ikunu akkumpanjati minn strajks mifruxa f'impjanti industrijali, inkluż f'intrapriżi ewlenin tal-istat f'varjetà ta' setturi ekonomiċi, kumpaniji, skejjel, universitajiet, bliet u rħula, fil-pajjiż kollu;

J.

billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali minħabba dubji sostanzjali dwar kemm kienet ġusta l-elezzjoni u minħabba rapporti mifruxa ta' falsifikazzjoni; billi l-mandat attwali tal-President fil-kariga Lukashenka jintemm fil-5 ta' Novembru 2020;

K.

billi l-protesti fil-Belarussja huma ta' skala li qatt ma dehret bħalha qabel, infirxu mal-pajjiż kollu u huma interġenerazzjonali, taħt it-tmexxija viżibbli tan-nisa;

L.

billi l-awtoritajiet Belarussi rreaġixxew għall-protesti leġittimi u paċifiċi bl-użu ta' vjolenza sproporzjonata; billi r-reazzjoni tal-forzi tas-sigurtà għall-protesti paċifiċi kienet ħarxa ħafna, bl-użu frekwenti ta' forza eċċessiva, bla bżonn u indiskriminata, bħall-użu qawwi ta' gass tad-dmugħ, lenbubi, granati ta' sturdament u kanuni tal-ilma; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem irrapporta qrib is- 6 700 persuna li f'dawn l-aħħar ġimgħat sfaw detenuti waqt li kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda paċifika; billi, sa mid-9 ta' Awwissu 2020, l-esperti rċevew rapporti ta' mill-anqas 450 każ ta' tortura, vjolenza sesswali, stupru u trattament ħażin ta' persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom, filwaqt li diversi persuni huma neqsin jew instabu mejta, fosthom Alyaksandr Taraykouski, Konstantin Shishmakov, Alexander Vikhor u Gennady Shutov;

M.

billi l-Kunsill ta' Koordinazzjoni ġie stabbilit biex jipprovdi sieħeb istituzzjonali temporanju għall-proċess ta' djalogu nazzjonali bl-għan li jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda li jiżvolġu skont l-istandards internazzjonali u taħt l-osservazzjoni elettorali tal-ODIHR; billi diversi eluf ta' persuni minn dakinhar 'l hawn esprimew l-appoġġ tagħhom għat-talbiet tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni għal elezzjonijiet ġodda, u l-membri ewlenin kollha tal-Kunsill ġew iffastidjati, interrogati jew arrestati (Liliya Ulasava, Maksim Znak, Siarhei Dyleuski, Maria Kalesnikava); billi t-theddid u l-fastidju kontinwu wasslu biex membri ewlenin tal-oppożizzjoni, Sviatlana Tsikhanouskaya, Veranika Tsapkala, Pavel Latushka u Volha Kovalkova, fittxu rifuġju fl-Unjoni Ewropea; billi, fis-7 ta' Settembru 2020, mexxejja oħra, Maria Kalesnikava, inħatfet bi nhar minn irġiel mgħammda f'vann mingħajr reġistrazzjoni fi triq ta' Minsk; billi r-rebbieħa tal-Premju Nobel, Sviatlana Aleksijevic, hija l-uniku membri tal-Praesidium tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni li għadha ħielsa fil-Belarussja; billi għad hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tagħha minkejja l-appoġġ eċċezzjonali li rċeviet minn diplomatiċi Ewropej;

N.

billi l-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 iddeċieda li jimponi sanzjonijiet kontra għadd sostanzjali ta' individwi responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fil-Belarussja, li jipprojbixxu li dawn jidħlu fl-UE u li jiffriżaw l-assi finanzjarji tagħhom fl-UE;

O.

billi l-kampanja elettorali u l-elezzjonijiet presidenzjali seħħew fi żmien il-pandemija tal-COVID-19, li l-effetti tagħha ġew miċħuda konsistentement mit-tmexxija politika u mill-awtoritajiet Belarussi, fatt li wassal lil ġurnalisti, lil membri tal-persunal mediku u lil ċittadini ordinarji biex jaqsmu informazzjoni kruċjali dwar il-pandemija u l-miżuri ta' prekawzjoni meħtieġa, u dan jixhed l-involviment taċ-ċittadini fis-soċjetà u l-vitalità tas-soċejtà ċivili Belarussa;

P.

billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-President tal-Federazzjoni Russa ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-awtoritjaiet Belarussi fir-repressjoni tagħhom tal-iskuntentizza ċivika leġittima billi offra li jiskjera forzi tal-pulizija speċjali; billi, fil-21 ta' Awwissu 2020, is-Sur Lukashenka ħabbar li l-ġurnalisti li jaħdmu fil-midja tal-istat li strajkjaw jew li rriżenjaw kienu se jinbidlu bl-hekk imsejħa speċjalisti tal-midja Russi; billi r-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija kienu fost l-ewwel stati li ferħu lis-Sur Lukashenka għar-rebħa elettorali frodulenti tiegħu;

Q.

billi l-awtoritajiet Belarussi għadhom għaddejjin bir-repressjoni vjolenti tagħhom fuq il-ġurnalisti Belarussi indipendenti, kemm professjonali u kemm ċittadini, u għadhom jipparteċipaw fi sforzi intenzjonali biex ixekklu r-rapportar oġġettiv bil-għan li jrażżnu t-tħassib u l-kundanna nazzjonali u internazzjonali, inkluż bl-irtirar tal-akkreditazzjoni tal-istampa għal aktar minn tnax-il ġurnalista internazzjonali fid-29 ta' Awwissu 2020;

R.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja kompliet tmur għall-agħar matul il-kampanja elettorali u wara l-elezzjonijiet; billi l-ambjent għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem dejjem qiegħed imur għall-agħar, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu sistematikament soġġetti għal intimidazzjoni, fastidju u restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali; billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;

1.

Jissottolinja li l-Parlament Ewropew, bi qbil mal-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew, jirrifjuta r-riżultati tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali li seħħew fil-Belarussja fid-9 ta' Awwissu 2020, peress li dawn żvolġew bi ksur flagranti tal-istandards internazzjonali rikonoxxuti kollha; mhuwiex se jirrikonoxxi lil Aliaksandr Lukashenka bħala president tal-Belarussja ladarba jiskadi l-mandat attwali tiegħu;

2.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi lill-awtoritajiet Belarussi għar-repressjoni vjolenti tagħhom tal-protesti paċifiċi favur il-ġustizzja, il-libertà u d-demokrazija fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti tad-9 ta' Awwissu 2020; jitlob li tieqaf il-vjolenza b'mod immedjat, li jinħelsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, u jaqgħu l-akkużi kollha kontrihom, il-persuni kollha detenuti għal raġunijiet politiċi qabel u wara l-hekk imsejħa elezzjonijiet tad-9 ta' Awwissu 2020, inklużi l-persuni kollha detenuti għall-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti kontra r-riżultati tal-elezzjoni jew kontra l-vjolenza użata mill-awtoritajiet jew għall-espressjonijiet ta' appoġġ tagħhom għal dawn il-protesti;

3.

Jikkundanna l-intimidazzjoni, il-persekuzzjoni u l-użu sproporzjonat tal-forza li għaddejjin bħalissa fil-konfront tal-parteċipanti fl-istrajkijiet, tal-membri tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni u personalitajiet oħra tal-oppożizzjoni, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, tal-ġurnalisti indipendenti u tal-bloggers; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha detenuti b'mod arbitrarju qabel u wara l-elezzjonijiet iffalsifikati tad-9 ta' Awwissu 2020, inklużi Pavel Sevyarynets, Mikalaj Statkievich, Maria Kalesnikava, Andrei Yahorau, Anton Radniankou, u Ivan Krautsou; jitlob li l-prosekuzzjonijiet kollha għal raġunijiet politiċi jitwaqqfu;

4.

Jilqa' l-Kunsill ta' Koordinazzjoni bħala rappreżentazzjoni interim tan-nies li qed jitolbu bidla demokratika fil-Belarussja li tkun miftuħa għall-partijiet interessati politiċi u soċjali kollha;

5.

Jappoġġa tranżizzjoni paċifika u demokratika tal-poter bħala riżultat ta' djalogu nazzjonali inklużiv b'rispett sħiħ għad-drittijiet demokratiċi u fundamentali tal-poplu Belarussu; itenni, f'dan ir-rigward, l-appelli tal-poplu Belarussu għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ġodda, ħielsa u ġusti li għandhom isiru malajr kemm jista' jkun taħt superviżjoni internazzjonali, immexxija mill-OSKE/ODIHR u skont standards rikonoxxuti internazzjonalment;

6.

Jesprimi l-appoġġ inekwivoku tiegħu għall-poplu tal-Belarussja fit-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanza demokratika, il-parteċipazzjoni politika, id-dinjità u d-dritt li huwa jagħżel id-destin tiegħu stess; jirrikonoxxi li l-moviment ta' protesta kurrenti fil-Belarussja huwa bbażat fuq it-talba ġenerali u wiesgħa għad-demokratizzazzjoni tal-Belarussja, li biha l-poplu tagħha jeħtieġlu jgawdi l-istess drittijiet fundamentali tad-demokrazija u l-libertà bħaċ-ċittadini l-oħra kollha fil-kontinent Ewropew;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jipprovdu assistenza lill-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja, inkluż lill-Kunsill ta' Koordinazzjoni mmexxi minn Sviatlana Tsikhanouskaya;

8.

Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-kontribut importanti magħmul min-nisa kuraġġużi tal-Belarussja, immexxija minn Sviatlana Tsikhanouskaya, Veranika Tsapkala u Maria Kalesnikava, u s-sostenituri tagħhom, talli esprimew u rrappreżentaw it-talbiet leġittimi tal-poplu Belarussu; jinnota li bosta Belarussi jikkunsidraw lil Sviatlana Tsikhanouskaya bħala r-rebbieħa tal-elezzjonijiet presidenzjali u l-president elett tal-Belarussja;

9.

Jappella għall-ħelsien immedjat tal-membri arrestati tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, Liliya Ulasova, Maksim Znak, Siarhei Dyleuski u Maria Kalesnikava; jinsisti li kwalunkwe djalogu nazzjonali jrid isir bil-parteċipazzjoni sħiħa u mingħajr xkiel tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni; jilqa' l-protezzjoni offruta lil Sviatlana Aleksijevic mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi oħra tal-istess opinjoni;

10.

Jiddeplora bl-aktar mod qawwi possibbli l-atti terribbli ta' vjolenza kontra d-dimostranti u d-detenuti paċifiċi, kif ukoll ir-repressjoni krudili u t-tortura tagħhom; jappella għal investigazzjoni indipendenti u effettiva dwar l-imwiet relatati mal-protesti ta' Alyaksandr Taraykouski, Alexander Vikhor, Artsyom Parukou, Gennady Shutov u Konstantin Shishmakov;

11.

Jappella għall-waqfien tat-trattament ħażin u tat-tortura kollha, għall-introduzzjoni ta' definizzjoni speċifika ta' tortura fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja f'konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għal bidliet leġiżlattivi li jikkriminalizzaw l-għajbien sfurzat;

12.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet taċ-ċittadini għal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni u ta' opinjoni, kif ukoll għal-libertà tal-midja, u b'hekk jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fil-liġi u fil-prattika li jimpedixxu dawn il-libertajiet; jikkundanna bil-qawwa l-applikazzjoni kontinwa tal-piena tal-mewt u jappella għall-abolizzjoni immedjata u permanenti tagħha u, sakemm isir dan, għad-dritt effettiv ta' appell kontra s-sentenzi tal-piena tal-mewt;

13.

Jappoġġa bis-sħiħ lill-ħaddiema Belarussi u lit-trade unions indipendenti u jistieden lill-awtoritajiet u lill-impjegaturi Belarussi jirrispettaw id-dritt fundamentali tal-ħaddiema Belarussi li jistrajkjaw mingħajr riskju ta' tkeċċija, arrest jew ritaljazzjoni oħra, f'konformità mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO; jappoġġa t-talba tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali indirizzata lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex tintervjeni b'urġenza kontra l-arresti u l-ħruġ ta' sentenzi kontra l-mexxejja tal-kumitati tal-istrajkijiet u l-attivisti tat-trade unions indipendenti biex jiġi protett id-dritt tagħhom għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesprimi l-appoġġ tiegħu għar-rwol ta' koordinazzjoni mwettaq mill-Kungress Belarussu tat-Trade Unions Demokratiċi;

14.

Jappoġġa bil-qawwa s-sanzjonijiet tal-UE kontra individwi responsabbli għall-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni u r-repressjoni fil-Belarussja, inkluż Aliaksandr Lukashenka; jistieden lill-Kunsill jimplimenta mingħajr dewmien, u f'koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, sanzjonijiet wiesgħa u effettivi kontra dawk il-Belarussi kollha responsabbli għall-frodi elettorali, il-vjolenza u r-repressjoni fil-Belarussja; jistieden lill-Kunsill isegwi l-eżempju tal-Istati Baltiċi, li inkludew lil Lukashenka fil-lista tas-sanzjonijiet tagħhom, billi kabbru l-grupp propost inizjalment ta' persuni fil-mira tas-sanzjonijiet ħalli jinkludi għadd sostanzjali ta' uffiċjali, kemm ta' grad għoli kif ukoll dak medju, u wkoll intraprendituri magħrufa li appoġġaw ir-reġim jew li keċċew l-impjegati tagħhom minħabba parteċipazzjoni fi strajkijiet; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jesploraw il-possibbiltà li jinkludu liċ-ċittadini Russi li huma direttament involuti fl-appoġġ tar-reġim ta' Lukashenka fil-Belarussja;

15.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-proposta tal-President fil-kariga tal-OSKE f'koordinazzjoni mas-suċċessur tiegħu biex il-Belarussja tiġi assistita ħalli torganizza proċess ta' djalogu; jinsisti li l-awtoritajiet Belarussi jaċċettaw l-offerta estiża lilhom kemm mill-President fil-kariga tal-OSKE kif ukoll mis-suċċessur tiegħu;

16.

Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħejju rieżami komprensiv tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Belarussja, bil-għan li jappoġġaw lill-poplu tal-Belarussja u l-aspirazzjonijiet demokratiċi tiegħu, kif ukoll lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lit-trade unions indipendenti u lill-midja indipendenti; jitlob li jiżdied il-finanzjament tal-UE għas-soċjetà ċivili Belarussa filwaqt li jiġi ffriżat kwalunkwe trasferiment ta' fondi tal-UE lill-Gvern Belarussu kurrenti u għall-proġetti kkontrollati mill-istat u jitwaqqaf is-self tal-BEI, il-BERŻ u self ieħor lir-reġim kurrenti; iħeġġeġ lill-UE torganizza konferenza tad-donaturi għal Belarussja demokratika, li tlaqqa' flimkien l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-pajjiżi tal-G-7, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, u oħrajn li huma lesti li jwiegħdu pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' Euro biex jappoġġaw l-isforzi futuri ta' riforma u r-ristrutturar tal-ekonomija;

17.

Jistieden lis-SEAE jissospendi n-negozjati dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Belarussja sakemm ikunu saru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti;

18.

Iħeġġeġ lill-gvern isaħħaħ is-sistema tal-kura tas-saħħa u jipprovdi liċ-ċittadini Belarussi bl-informazzjoni rilevanti kollha u li tista' ssalva l-ħajja dwar il-pandemija b'mod trasparenti u inklużiv; jenfasizza l-ħtieġa li, fid-dawl ta' rapporti li l-pulizija qed jipprevjenu l-għajnuna għal dimostranti midruba u qed jarrestaw ħaddiema mediċi, jitjiebu l-aċċess, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kura tas-saħħa fil-postijiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal mediku;

19.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jiffaċilitaw u jħaffu l-istabbiliment ta' kuritur umanitarju u l-proċedura li biha jingħataw il-viżi għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja għal raġunijiet politiċi jew għal dawk li għandhom bżonn trattament mediku minħabba l-vjolenza mwettqa kontrihom, u joffru l-appoġġ meħtieġ lilhom u lill-familji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi malajr bl-implimentazzjoni effettiva tal-assistenza finanzjarja tal-UE biex tappoġġa lis-soċjetà ċivili u lill-vittmi tar-repressjoni u biex timmobilizza aktar riżorsi lejn is-sostenn fiżiku, psikoloġiku u materjali tagħhom;

20.

Jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ il-kuntatti bejn il-persuni billi tappoġġa NGOs indipendenti tal-Belarussja, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, rappreżentanti tal-midja u ġurnalisti indipendenti, toħloq opportunitajiet addizzjonali għaż-żgħażagħ Belarussi biex jistudjaw fl-UE u tkompli tappoġġa l-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi; jitlob li l-Kummissjoni twaqqaf b'mod urġenti programm ta' boroż ta' studju għall-istudenti u l-akkademiċi li tkeċċew mill-universitajiet Belarussi minħabba l-pożizzjoni prodemokratika tagħhom;

21.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' investigazzjoni komprensiva dwar ir-reati mwettqa mir-reġim kontra l-poplu tal-Belarussja u jenfasizza r-rieda tiegħu li jikkontribwixxi għal tali investigazzjonijiet;

22.

Jikkundanna s-soppressjoni tal-midja u tal-internet, kif ukoll l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti u bloggers sabiex jitwaqqaf il-fluss ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż; jissottolinja d-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jkollu aċċess mingħajr xkiel għall-informazzjoni; jistieden lill-UE tuża l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u strumenti oħra sabiex tappoġġa dawn l-istabbilimenti u l-ġurnalisti li huma soġġetti għal repressjoni mir-reġim;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-SEAE jipprovdu appoġġ sħiħ għall-isforzi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Mekkaniżmu ta' Moska tal-OSKE biex jiżguraw dokumentazzjoni u rappurtar minn organizzazzjonijiet internazzjonali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà u l-ġustizzja sussegwenti għall-vittmi;

24.

Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra t-tixrid ta' diżinformazzjoni fil-Belarussja rigward l-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħha, kif ukoll id-diżinformazzjoni fl-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, kif ukoll forom oħra ta' theddidiet ibridi mwettqa minn partijiet terzi; iwissi lir-reġim kontra kwalunkwe tentattiv li juża l-minoranzi nazzjonali, reliġjużi, etniċi u minoranzi oħra bħala bersall sostitut, li jiddevja l-attenzjoni tas-soċjetà mill-frodi elettorali u mill-protesti u r-repressjoni massivi sussegwenti; jikkundanna l-fatt li l-kap tal-Knisja Kattolika tal-Belarussja, l-Arċisqof Tadeusz Kondrusiewicz, ġie rrifjutat milli jitħalla jirritorna fil-pajjiż;

25.

Jikkundanna l-indħil ibridu tal-Federazzjoni Russa fil-Belarussja, partikolarment billi tibgħat l-hekk imsejħa esperti tal-midja fil-midja tal-istat Belarussu u konsulenti fl-aġenziji militari u tal-infurzar tal-liġi, u jistieden lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jieqaf jindaħal b'mod apert jew minn taħt fil-proċessi interni tal-Belarussja; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tirrispetta d-dritt internazzjonali u s-sovranità tal-Belarussja; iwissi li Aliaksandr Lukashenka ma għandu l-ebda mandat politiku jew morali biex jidħol f'relazzjonijiet kuntrattwali ulterjuri f'isem il-Belarussja, inkluż mal-awtoritajiet Russi, li jistgħu jheddu s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Belarussja;

26.

Jissottolinja l-importanza li l-iżviluppi fil-Belarussja jinżammu prijorità għall-UE; ifakkar fil-ħtieġa li l-UE tkun magħquda u persistenti fir-reazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni fil-Belarussja;

27.

Jiddeplora l-fatt li l-Belarussja diġà bdiet timla l-ewwel reattur tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Astravyets bi fjuwil nukleari u qed tippjana li tibda tipproduċi l-enerġija f'Novembru 2020, mingħajr ma implimentat bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet relatati mat-test tal-istress, li huwa saħansitra aktar inkwetanti f'dawn iż-żminijiet ta' instabbiltà politika kbira;

28.

Jappella lill-federazzjonijiet nazzjonali tal-ice hockey tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi demokratiċi l-oħra kollha biex iħeġġu lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ice Hockey (IIHF) ħalli, sakemm is-sitwazzjoni u, b'mod partikolari, l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikunu tjiebu, tirtira d-deċiżjoni tagħha li torganizza l-Kampjonat Dinji tal-Ice Hockey tal-2021 parzjalment fil-Belarussja;

29.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' miżuri restrittivi komprensiv, effettiv, f'waqtu u mifrux mal-UE kollha (l-hekk imsemmija lista ta' Magnitsky), li jippermetti li jikkonċentra fuq kwalunkwe individwu, attur statali u mhux statali u entitajiet oħrajn responsabbli minn ksur u abbuż gravi tad-drittijiet tal-bniedem jew involuti fihom, mingħajr aktar dewmien;

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Belarussja u l-Federazzjoni Russa.

(1)  ĠU C 11, 13.1.2020, p. 18.

(2)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 100.

(3)  ĠU C 298, 23.08.2018, p. 60.

(4)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 135.

(5)  ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.

(6)  ĠU L 45, 18.2.2020, p. 3.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/128


P9_TA(2020)0232

Is-sitwazzjoni fir-Russja, l-avvelenament ta' Alexei Navalny

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny (2020/2777(RSP))

(2021/C 385/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 u speċifikament l-Artikolu 29 tagħha dwar il-ħarsien tal-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE fit-3 ta' Settembru 2020 dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-24 ta' Awwissu u t-2 ta' Settembru 2020 dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny;

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-8 ta' Settembru 2020, li appellat li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G7 tat-8 ta' Settembru 2020 dwar l-avvelenament ta' Alexei Navalny,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi), li tipprojbixxi l-użu, l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasferiment ta' armi kimiċi,

wara li kkunsidra l-adozzjoni unanima tad-deċiżjonijiet C-24/DEC.4 u C-24/DEC.5 mill-24 Sessjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi tas-27 ta' Novembru 2019, li żiedu l-aġent nervin Novichok organophosphorus fl-Iskeda 1 tal-Anness dwar is-Sustanzi Kimiċi tal-Konvenzjoni, u d-dħul fis-seħħ ta' dawn id-deċiżjonijiet fis-7 ta' Ġunju 2020;

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-isptar Charité – Universitätsmedizin Berlin tal-24 ta' Awwissu 2020 li tgħid li Alexei Navalny kien il-vittma ta' avvelenament b'aġent nervin kimiku,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Gvern Federali Ġermaniż tat-2 ta' Settembru 2020 li tappella b'urġenza lill-Gvern Russu biex jagħmel dikjarazzjoni dwar l-inċident u jikkundanna l-attakk bl-aktar mod qawwi possibbli,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) tat-3 ta' Settembru 2020 dwar allegazzjonijiet ta' użu ta' armi kimiċi kontra Alexei Navalny, li tissottolinja li “skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, kwalunkwe avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin jitqies bħala użu ta' armi kimiċi”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li ħadd ma għandu jkun soġġett għal tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti, u li l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tagħhom,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt u r-Responsabbiltà ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Alexei Navalny, politiku tal-oppożizzjoni, avukat, blogger u attivist kontra l-korruzzjoni ewlieni Russu, kixef diversi kwistjonijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu intrapriżi kummerċjali u politiċi Russi, mexxa għadd ta' protesti pubbliċi madwar ir-Russja kollha u sar wieħed mill-ftit mexxejja effettivi tal-oppożizzjoni Russa; billi huwa kien ġie detenut, arrestat, u kkundannat preċedentement, f'tentattivi biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li għadd minn dawk il-proċeduri kienu abbużivi u jmorru kontra l-prinċipju ta' proċess ġust; billi Alexei Navalny kien ġie attakkat fiżikament fl-2017 bl-użu ta' diżinfettant mediku li ħallih kważi għami, u permezz ta' allegat avvelenament matul id-detenzjoni tiegħu fl-2019; billi għal dawn iż-żewġ każijiet, l-awturi ma tressqux quddiem il-ġustizzja;

B.

billi Alexei Navalny hu rapportat li fl-20 ta' Awwissu 2020 daħal f'koma abbord titjira interna Russa, ġie ttrasportat lejn sptar fil-belt Russa ta' Omsk u, fuq talba tal-familja tiegħu, ilu jirċievi trattament mediku fl-isptar Charité f'Berlin mit-22 ta' Awwissu 2020;

C.

billi l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny seħħ fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet lokali u reġjonali tar-Russja fit-13 ta' Settembru 2020, fejn hu u t-tim tiegħu kienu involuti b'mod attiv fl-introduzzjoni ta' strateġija ta' “votazzjoni intelliġenti” biex jgħelbu l-kandidati tar-reġim ta' Putin; billi dan jixħet dawl partikolarment inkwetanti fuq l-istat tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

D.

billi eżatt qabel l-attentat ta' avvelenament, Alexei Navalny kien f'Novosibirsk u Tomsk, fejn kien qed jinvestiga każijiet ta' korruzzjoni fost il-gvernaturi lokali; billi permezz tal-attivitajiet tiegħu kontra l-korruzzjoni fir-reġjuni, Alexei Navalny żied il-kuxjenza dwar każijiet bħal dawn fost il-pubbliku lokali, u b'riżultat ta' dan, żdied l-għadd ta' nies li ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet reġjonali, u b'hekk immobilizza l-voti favur l-oppożizzjoni; billi Alexei Navalny stabbilixxa sistema ta' 40 uffiċċju reġjonali madwar il-pajjiż, li jiskrutinizzaw l-awtoritajiet lokali fuq bażi permanenti, iżda huma wkoll soġġetti għal intimidazzjoni u persekuzzjoni mill-awtoritajiet Russi;

E.

billi Alexei Navalny esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għad-dimostranti f'Khabarovsk u l-Belarussja u qies il-bidliet fil-Belarussja bħala ispirazzjoni għall-poplu tar-Russja;

F.

billi l-assassinji u l-avvelenamenti politiċi fir-Russja huma strumenti sistemiċi tar-reġim immirati b'mod deliberat kontra l-oppożizzjoni; billi dan huwa aggravat aktar min-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet li jinvestigaw bir-reqqa l-omiċidji jew attentati ta' omiċidji politikament motivati ta' Anna Politkovskaya, Boris Nemtsov, Sergei Protazanov, Vladimir Kara-Murza u oħrajn; billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni huma sistematikament soġġetti għal attakki verbali, kampanji ad hominem u diżumanizzazzjoni mill-midja tal-gvern jew dik favur il-gvern;

G.

billi dan l-attentat ta' qtil l-aktar reċenti huwa biss l-aktar eżempju reċenti ta' rigress serju ħafna fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-prinċipji demokratiċi maqbula b'mod komuni u l-istat tad-dritt fil-Federazzjoni Russa;

H.

billi din ir-ripressjoni kontinwa tad-dissidenza soċjali hija msaħħa mill-impunità tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà kif ukoll min-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-qrati li jressqu lill-awturi reali ta' dawn ir-reati, li mhux biss ma jiġux ikkastigati, iżda saħansitra jiġu ppremjati min-naħa tal-Kremlin;

I.

billi skont Memorial, is-soċjetà magħrufa tad-drittijiet tal-bniedem Russa, fil-Federazzjoni Russa hemm aktar minn 300 priġunier politiku u reliġjuż; billi l-UE turi solidarjetà mad-dissidenti kollha u mal-poplu Russu, li, minkejja t-theddida għal-libertà tagħhom u għal ħajjithom u l-pressjoni mill-Kremlin u mill-awtoritajiet Russi, ikomplu jiġġieldu għal-libertà, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

J.

billi l-assassinji u l-attentati ta' assassinji b'motivi politiċi mis-servizzi sigrieti Russi għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà interna tal-UE;

K.

billi l-isptar Charité – Universitätsmedizin Berlin ikkonkluda li Alexei Navalny ġie vvelenat b'aġent nervin tal-grupp Novichok, li huwa grad militari ta' aġenti nervini żviluppati mill-Unjoni Sovjetika u l-Federazzjoni Russa; billi din is-sejba ġiet ikkonfermata minn laboratorju speċjalizzat tal-forzi armati Ġermaniżi u minn diversi laboratorji li jaħdmu b'mod indipendenti; billi l-aġent nervin Novichok reċentement intuża, f'Marzu 2018, fit-territorju tal-UE f'attakk fuq l-ex operatur tal-intelligence Russu Sergei Skripal u bintu Yulia Skripal f'Salisbury, fir-Renju Unit, attakk li kkawża wkoll il-mewt aċċidentali ta' Dawn Sturgess, residenta ta' Amesbury;

L.

billi t-tobba Russi kienu l-ewwel li ttrattaw lil Alexei Navalny minħabba avvelenament u wara sostnew li ma kienx hemm traċċi ta' velenu f'ġismu u ppruvaw iżommuh milli jiġi ttrasportat 'il barra mill-pajjiż, u billi l-awtoritajiet Russi jiċħdu kwalunkwe konnessjoni mal-inċident;

M.

billi l-aġent nervin Novichok huwa strument li ġie żviluppat unikament għall-istrutturi militari u s-servizzi sigrieti fir-Russja, u huwa disponibbli għalihom biss; billi sustanzi ta' dan it-tip huma regolati mil-liġi Russa; billi l-aġent nervin Novichok huwa arma kimika li tista' tiġi żviluppata biss f'laboratorji militari li jappartjenu lill-istat u ma tistax tiġi akkwistata minn individwi privati; billi, madankollu, jekk dan ikun il-każ, dan ikun ksur tal-impenji legali internazzjonali tar-Russja;

N.

billi l-Kunsill appella lill-awtoritajiet Russi biex iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny, appella għal rispons internazzjonali konġunt u rriżerva d-dritt tiegħu li jieħu azzjonijiet xierqa, inklużi miżuri restrittivi;

O.

billi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, kwalunkwe avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin huwa meqjus bħala użu ta' armi kimiċi, u billi l-użu ta' armi kimiċi minn kwalunkwe persuna taħt kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; billi wara l-adozzjoni unanima ta' żewġ proposti għal dak il-għan, inkluża waħda mressqa mill-Federazzjoni Russa, Novichok ġie miżjud mal-lista ta' sustanzi kontrollati tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u għalhekk huwa soġġett għal-linji gwida ta' kontroll l-aktar stretti skont il-Konvenzjoni;

P.

billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa;

Q.

billi l-uffiċċji ta' informazzjoni Russi kkontrollati mill-istat qed jippruvaw jinnegaw ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Russi fl-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny billi jxerrdu d-diżinformazzjoni u jiddevjaw l-attenzjoni mill-ksur kontinwu tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa;

R.

billi l-elezzjonijiet reġjonali fir-Russja tat-13 ta' Settembru 2020 irriżultaw f'għadd rekord ta' lmenti dwar il-falsifikazzjoni tar-riżultati; billi fil-bliet fejn Alexei Navalny kien preżenti qabel it-tentattiv tiegħu li jiġi avvelenat (Novosibirsk u Tomsk), is-sistema ta' votazzjoni intelliġenti tiegħu wriet li kienet effikaċi u għenet biex tegħleb il-kandidati ta' Putin;

S.

billi l-Parlament Ewropew uffiċjalment wasal għall-konklużjoni li r-Russja ma tistax tibqa' titqies bħala “sieħba strateġika”, anke fid-dawl tal-politika barranija antagonistika tagħha, inklużi l-interventi militari u l-okkupazzjonijiet illegali f'pajjiżi terzi;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny u jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-użu ripetut ta' aġenti nervini kimiċi kontra ċ-ċittadini Russi;

2.

Ifakkar li l-użu ta' armi kimiċi taħt kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi reat kundannabbli skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;

3.

Jissottolinja li l-attentat ta' qtil ta' Alexei Navalny kien parti minn sforz sistemiku biex isikket lilu u lil ilħna dissidenti oħra, u biex jiskoraġġixxi lilu u lil dawk l-ilħna milli jesponu aktar korruzzjoni serja fir-reġim u jiskoraġġixxu l-oppożizzjoni politika fil-pajjiż b'mod ġenerali, partikolarment bil-ħsieb li jinfluwenzaw l-elezzjonijiet sekondarji lokali u reġjonali tar-Russja ta' bejn il-11 u t-13 ta' Settembru 2020;

4.

Itenni li l-każ ta' Alexei Navalny huwa element wieħed ta' politika Russa usa' li tiffoka fuq politiki interni oppressivi u azzjonijiet aggressivi madwar id-dinja, it-tixrid tal-instabbiltà u l-kaos, l-istabbilizzazzjoni mill-ġdid tal-isfera tal-influwenza u d-dominanza tagħha, u d-dgħajfien tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

5.

Jitlob li tinbeda investigazzjoni internazzjonali b'mod immedjat (bl-involviment tal-UE, in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa, l-alleati tagħhom u l-OPCW) u jenfasizza d-determinazzjoni tiegħu li jikkontribwixxi għal tali investigazzjoni; jistieden lill-OPCW tistabbilixxi investigazzjoni dettaljata dwar il-ksur tal-impenji internazzjonali tar-Russja fil-qasam tal-armi kimiċi; jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw bis-sħiħ mal-OPCW biex jiżguraw investigazzjoni internazzjonali imparzjali u biex iżommu responsabbli lil dawk responsabbli għad-delitt imwettaq kontra Alexei Navalny;

6.

Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin jieħu pożizzjoni attiva dwar din il-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Settembru 2020; jitlob li l-UE tistabbilixxi malajr kemm jista' jkun lista ta' miżuri restrittivi ambizzjużi fir-rigward tar-Russja u ssaħħaħ is-sanzjonijiet eżistenti tagħha kontra r-Russja; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' tali mekkaniżmi ta' sanzjonijiet b'tali mod li jippermettu l-ġbir u l-iffriżar tal-assi Ewropej tal-individwi korrotti skont is-sejbiet tal-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Alexei Navalny;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-fastidju, l-intimidazzjoni, il-vjolenza u r-ripressjoni tal-avversarji politiċi tagħhom billi jtemmu l-klima prevalenti ta' impunità, li diġà wasslet biex tilfu ħajjithom ħafna ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u politiċi tal-oppożizzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li tali individwi jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi u utli tagħhom mingħajr ebda interferenza u mingħajr biża' għal ħajjithom jew għal dawk tal-membri tal-familja u l-ħbieb tagħhom;

8.

Jistieden lill-UE titlob b'mod kontinwu li r-Russja tirrevoka jew temenda l-liġijiet kollha inkompatibbli mal-istandards internazzjonali, inklużi l-bidliet reċenti li saru b'mod illegali fil-Kostituzzjoni Russa u l-qafas legali tagħha għall-elezzjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin u l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa, sabiex jiġi ffaċilitat il-pluraliżmu u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni;

9.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa, u l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li huma fil-mira ta' attakki u repressjoni;

10.

Jissottolinja d-dmir tal-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tirrispetta d-dritt internazzjonali u l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet rilevanti, u li tikkonforma bis-sħiħ mal-impenji internazzjonali tagħha, inkluż li tikkoopera mal-OPCW fl-investigazzjoni ta' kwalunkwe ksur tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi;

11.

Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tindirizza b'mod urġenti l-mistoqsijiet imressqa mill-komunità internazzjonali u tipprovdi lill-OPCW informazzjoni immedjata, sħiħa u kompluta dwar il-programm tagħha Novichok;

12.

Jenfasizza li l-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, impenjat ruħha li tirrispetta l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

13.

Jistieden lill-VP/RGħ u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiżguraw li meta jerġgħu jibdew il-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja jitqajmu l-każijiet tal-persuni kollha pproċessati għal raġunijiet politiċi, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ; jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ, ikomplu jsegwu każijiet bħal dawn mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji ta' fehmiet mal-awtoritajiet Russi;

14.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-Russja u biex jitkellmu b'vuċi waħda f'fora bilaterali u multilaterali mal-awtoritajiet Russi;

15.

Itenni li huwa urġenti ħafna li titnieda valutazzjoni mill-ġdid strateġika u bir-reqqa tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li tinkludi l-prinċipji li ġejjin:

(a)

appell lill-VP/RGħ biex jirrieżamina l-politika tal-UE fir-rigward tar-Russja u l-ħames prinċipji gwida għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja u jiżviluppa strateġija komprensiva ġdida, li tkun tiddependi fuq żviluppi ulterjuri fil-qasam tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mit-tmexxija u l-awtoritajiet Russi;

(b)

appell lill-Istati Membri biex ikomplu jiżolaw lir-Russja f'fora internazzjonali (bħall-G7 u formati oħra) u jagħmlu rieżami b'mod kritiku tal-kooperazzjoni tal-UE mar-Russja permezz ta' diversi pjattaformi tal-politika barranija;

(c)

appell lill-Kunsill biex jipprijoritizza l-approvazzjoni tal-mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem tat-tip Magnitsky u l-implimentazzjoni tiegħu fil-futur qarib, li se jinkludi lista ta' individwi u jista' jinkludi wkoll sanzjonijiet settorjali mmirati lejn ir-reġim Russu;

(d)

fid-dawl tal-każ Navalny, itenni l-pożizzjoni tiegħu preċedenti li jitwaqqaf il-proġett Nord Stream 2;

(e)

appell lill-Kunsill biex jadotta strateġija tal-UE biex jappoġġja d-dissidenti Russi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-mezzi tax-xandir/ġurnalisti indipendenti, filwaqt li tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jinħolqu opportunitajiet addizzjonali għaż-żgħażagħ Russi biex jistudjaw fl-UE, u jkun hemm assistenza fit-tnedija ta' università Russa fl-eżilju f'wieħed mill-Istati Membri;

(f)

appell lill-Kunsill biex immedjatament jibda t-tħejjijiet u jadotta strateġija tal-UE għal relazzjonijiet futuri ma' Russja demokratika, inkluża offerta wiesgħa ta' inċentivi u kundizzjonijiet biex jissaħħu t-tendenzi domestiċi lejn il-libertà u d-demokrazija;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/133


P9_TA(2020)0233

Is-sitwazzjoni fil-Filippini, inkluż il-każ ta' Maria Ressa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, inkluż il-każ ta' Maria Ressa (2020/2782(RSP))

(2021/C 385/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2016 (1), tas-16 ta' Marzu 2017 (2) u tad-19 ta' April 2018 (3),

wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)) li ġew stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal dwar il-valutazzjoni tal-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (SĠP+) tal-UE għall-Filippini li jkopri l-perjodu 2018-2019, tal-10 ta' Frar 2020 (SWD(2020)0024),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar il-kundanna ta' Maria Ressa u Reynaldo Santos,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fil-11 ta' Lulju 2019 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini,

wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-30 ta' Ġunju 2020, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Att Nru 11479 tar-Repubblika tal-Filippini tat-3 ta' Lulju 2020, magħruf ukoll bħala l-Att Kontra t-Terroriżmu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom; billi permezz tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Filippini reġgħu affermaw l-impenn konġunt tagħhom favur il-prinċipji tal-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, u l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

B.

billi r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini tat-30 ta' Ġunju 2020 sab li l-każijiet ta' qtil relatati mal-kampanja tal-gvern kontra d-droga kienu “mifruxa u sistematiċi”, u li mill-inqas 8 663 ruħ inqatlu skont data tal-gvern; billi hemm stimi ta' tliet darbiet dak in-numru; billi l-President Duterte ħeġġeġ b'mod espliċitu lill-pulizija biex iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, u wegħedhom immunità, filwaqt li l-uffiċjali tal-pulizija involuti f'tali prattiki rċevew promozzjonijiet; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli din il-kampanja kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali tiegħu fl-2022; billi l-maġġoranza tal-vittmi ġejjin minn komunitajiet foqra u emarġinati;

C.

billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili dejjem qed ikompli jiċkien; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti regolarment iħabbtu wiċċhom ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u vjolenza talli jippruvaw jikxfu allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Filippini; billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) “il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija regolarment meqjusa daqs ribelljoni”; billi skont l-OHCHR, mill-inqas 208 difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u trejdjunjonisti, inklużi 30 mara, inqatlu bejn Jannar 2015 u Diċembru 2019;

D.

billi Maria Ressa, ġurnalista Filippina u kofundatriċi u Uffiċjal Kap Eżekuttiv tas-sit web tal-aħbarijiet Rappler, ilha fil-mira għall-kritika tagħha tal-“gwerra kontra d-drogi” tal-gvern u għar-rappurtar kritiku ta' Rappler dwar il-qtil extraġudizzjarju; billi Maria Ressa u Reynaldo Santos Jr, riċerkatur ma' Rappler, ġew akkużati b'“libell ċibernetiku”, ikkundannati fil-15 ta' Ġunju 2020 minn Qorti tal-Proċess Reġjonali ta' Manila għal sentenza indeterminata, bil-possibbiltà li jiffaċċjaw sa sitt snin ħabs; billi s-Sa Ressa u r-Rappler qed jiffaċċjaw mill-inqas sitt akkużi oħra;

E.

billi kmieni f'Lulju 2020, il-Kungress Filippin ivvota biex jiċħad it-tiġdid tal-franchise tax-xandir tal-ABS-CBN, l-akbar network tat-televiżjoni u tar-radju tal-pajjiż; billi r-rifjut li l-liċenzja tax-xandir tiegħu tiġġedded mill-President Duterte huwa meqjus bħala att ta' ritaljazzjoni għall-kopertura mill-midja tal-kampanja kontra d-drogi u tal-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

F.

billi s-Senatriċi Leila de Lima, waħda mill-avversarji ewlenin tal-kampanja kontra d-droga tal-President Duterte, tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat tas-Senat għall-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Settembru 2016, u baqgħet f'detenzjoni tistenna li tiġi pproċessata mill-arrest tagħha fl-24 ta' Frar 2017; billi hemm tħassib serju li r-reati li ġiet mixlija bihom is-Senatriċi de Lima huma vvintati u politikament motivati;

G.

billi skont Global Witness, mill-inqas 43 difensur tad-drittijiet tal-art inqatlu fl-2019; billi l-biċċa l-kbira minnhom kienu mexxejja tal-komunità u parteċipanti attivi f'kampanji kontra proġetti ta' tħaffir fil-minjieri u n-negozju agrikolu;

H.

billi l-popli indiġeni fil-Filippini jammontaw għal 10-20 % tal-popolazzjoni kollha; billi fl-2018 ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Popli Indiġeni identifikat l-Filippini bħala pajjiż fost dawk bl-ogħla inċidenza fid-dinja kollha ta' kriminalizzazzjoni u attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem indiġeni; billi n-NU wissiet li l-militarizzazzjoni tat-territorji indiġeni u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni qed jiżdiedu, u li dawn l-iżviluppi huma marbuta mill-qrib mal-interessi tan-negozju; billi n-nuqqas persistenti ta' sigurtà u żvilupp ekonomiku fil-gżira ta' Mindanao, kif ukoll il-ksur irrapportat tad-dritt umanitarju internazzjonali u n-nuqqas ta' progress fil-ġustizzja tranżizzjonali u r-rikonċiljazzjoni, għadhom ta' tħassib serju;

I.

billi Zara Alvarez, ħaddiema legali għall-grupp tad-drittijiet tal-bniedem Karapatan, inqatlet b'arma tan-nar fis-17 ta' Awwissu 2020; billi s-Sa Alvarez kienet irċeviet theddid ripetutament, kienet soġġetta għal fastidju minħabba x-xogħol tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u kienet it-13-il membru tal-organizzazzjoni tagħha maqtula minn nofs l-2016; billi Randall “Randy” Echanis, promotur tal-paċi, attivist tad-drittijiet tal-art u membru ta' Karapatan, ġie ttorturat u maqtul fl-10 ta' Awwissu 2020; billi skont l-OHCHR, kemm is-Sur Echanis kif ukoll is-Sa Alvarez kienu ripetutament “red-tagged” (“tikkettati” bħala terroristi jew komunisti), u l-ismijiet tagħhom kienu jidhru fuq il-lista ta' mill-inqas 600 persuna li d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Filippini talab lil qorti biex tiddikjara bħala “terroristi” fl-2018;

J.

billi l-OHCHR u r-rapporteurs speċjali tan-NU qajmu tħassib dwar x'jidher li huwa “pattern ta' intimidazzjoni” ta' sorsi ta' aħbarijiet indipendenti; billi fl-2020 il-Filippini jinsabu fil-136 post minn fost 180 pajjiż fil-Klassifikazzjoni tal-Libertà tal-Istampa ppubblikata kull sena minn Reporters Mingħajr Fruntieri; billi 16-il ġurnalist ġew assassinati minn kemm is-Sur Duterte ilu fil-poter;

K.

billi f'Marzu 2018, il-Filippini rtiraw mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) wara li l-QKI bdiet l-“eżami preliminari” tagħha tal-ilment imressaq kontra s-Sur Duterte b'rabta mal-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil konnessi mal-kampanja kontra d-droga;

L.

billi fl-2017, il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini approvat abbozz ta' liġi biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; billi dan l-abbozz ta' liġi jirrikjedi l-approvazzjoni minn qabel tas-Senat qabel ma l-President Duterte – li qed jagħmel kampanja attiva biex jerġa' jdaħħalha mill-ġdid – jista' jippromulgah f'liġi; billi jekk terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt, dan ikun bi ksur ċar tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Filippini huma parti fih;

M.

billi l-awtoritajiet tal-Filippini adottaw l-Att il-Ġdid Kontra t-Terroriżmu fit-3 ta' Lulju 2020; billi skont il-gruppi tas-soċjetà ċivili lokali, il-liġi ddgħajjef is-salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem b'mod allarmanti, twessa' d-definizzjoni tat-terroriżmu, u tespandi l-perjodu ta' detenzjoni mingħajr mandat minn 3 ijiem għal 14-il jum, u b'hekk iċċajpar distinzjonijiet importanti bejn il-kritika, il-kriminalità u t-terroriżmu, ħaġa li tqajjem kwistjonijiet ta' legalità u tkompli żżid ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

N.

billi l-President Duterte ripetutament involva ruħu f'diskors u mġiba sessista u misoġinistiċi; billi skont l-NGOs lokali, il-każijiet ta' vjolenza u abbuż sesswali fuq in-nisa, inklużi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, żdiedu matul l-amministrazzjoni ta' Duterte; billi d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw kummenti degradanti u sesswalment espliċiti, theddid ta' stupru u attakki;

O.

billi fir-Rapport tal-2020 tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC), il-Filippini huma inklużi fost l-aktar 10 pajjiżi perikolużi fid-dinja għall-ħaddiema; billi l-moviment trejdjunjonistiku tal-Filippini lmenta dwar ir-ripressjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż permezz ta' “red-tagging”, għajbien u qtil ta' mexxejja tax-xogħol u trejdjunjonisti;

P.

billi l-komunità LGBTQI tiffaċċja fastidju kontinwu; billi l-President Duterte kemm-il darba rrefera għall-orjentazzjoni sesswali tal-avversarji politiċi tiegħu bħala sinjal ta' disprezz u għamel dikjarazzjonijiet pubbliċi f'Mejju 2019 fejn implika li l-omosesswalità hija marda; billi f'Ġunju 2020, il-pulizija attakkat avveniment pride LGBTQI u allegatament arrestat 20 persuna;

Q.

billi huwa stmat li bejn 60 000 u 100 000 tifel u tifla fil-Filippini huma involuti fi ċrieki tal-prostituzzjoni; billi għadd mhux stabbilit ta' tfal huma sfurzati jaħdmu f'kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi; billi l-UNICEF esprima tħassib serju dwar it-tnaqqis fl-età tar-responsabbiltà kriminali;

R.

billi l-Filippini jinsabu fil-113-il post minn fost 180 pajjiż fil-Klassifikazzjoni tal-Korruzzjoni ppubblikata ta' kull sena minn Transparency International;

S.

billi sa mill-25 ta' Diċembru 2014 il-Filippini gawdew minn preferenzi kummerċjali msaħħa mal-UE taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP+); billi dan l-istatus jiddependi fuq ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Filippini ta' 27 konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-governanza tajba; billi fl-2019, 25 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-Filippini lejn l-UE (kważi EUR 2 biljun) irċevew trattament preferenzjali taħt din l-iskema; billi minkejja li l-UE nnotat rigress qawwi fir-rekord tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, s'issa hija għadha ma skattatx il-mekkaniżmu li jista' jwassal għas-sospensjoni ta' dawn il-benefiċċji kummerċjali;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tmur għall-agħar fil-Filippini taħt il-President Duterte; jirrikonoxxi l-pubblikazzjoni ta' rapport mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2020, u jitlob lill-Gvern tal-Filippini jadotta u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha elenkati fih;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-eluf ta' omiċidji extraġudizzjarji u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-hekk imsejħa “gwerra kontra d-drogi”; jitlob lill-Gvern tal-Filippini sabiex itemm minnufih kull vjolenza diretta lejn persuni li huma suspettati li wettqu reati ta' droga, u biex ixolji l-gruppi paramilitari privati u appoġġati mill-Istat; jinsisti li l-ġlieda kontra d-drogi illeċiti trid tintrebaħ b'konformità sħiħa mal-proċess ġust tal-liġi, bi qbil mad-dritt nazzjonali u internazzjonali, u b'enfasi fuq is-saħħa pubblika;

3.

Jikkundanna kull tip ta' theddid, fastidju, intimidazzjoni, stupru u vjolenza kontra dawk li jfittxu li jikxfu allegazzjonjiet ta' qtil extraġudizzjarju u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, fosthom attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali, trejdunjonisti u ġurnalisti; jiddenunzja l-użu skorrett tal-liġi u tas-sistemi ġudizzjarji bħala mezz li bih jiġu msikkta l-ilħna ta' kritika;

4.

Jappella lill-awtoritajiet tal-Filippini, sabiex minnufih iwettqu investigazzjonijiet imparzjali, trasparenti, indipendenti u sinifikanti dwar il-qtil extraġudizzjarju, inklużi l-imwiet ta' Jory Porquia, Randall “Randy” Echanis u Zara Alvarez, kif ukoll dwar allegazzjonijiet oħra ta' ksur;

5.

Jinsab allarmat dwar il-livell ta' libertà tal-istampa li sejjer għall-agħar fil-Filippini; jikkundanna kull tip ta' theddid, fastidju, intimidazzjoni, prosekuzzjonijiet inġusti u vjolenza fil-konfront tal-ġurnalisti, inkluż il-każ ta' Maria Ressa; jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha b'motivazzjoni politika kontriha u kontra l-kollegi tagħha; ifakkar li l-libertà tal-istampa u l-libertà ta' espressjoni huma elementi fundamentali tad-demokrazija; jitlob lill-awtoritajiet tal-Filippini jġeddu l-liċenzja tax-xandir tal-grupp awdjoviżiv ewlieni, ABS-CBN; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE f'Manila biex jissorveljaw mill-qrib il-każijiet fil-konfront ta' Maria Ressa u Reynaldo Santos Jr, u jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa;

6.

Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Filippini biex iwaqqgħu l-akkużi kollha b'motivazzjoni politika fil-konfront tas-Senatriċi Leila de Lima, sabiex tinħeles waqt li qed tistenna l-proċess, titħalla teżerċita liberament id-drittijiet u l-kompiti tagħha bħala rappreżentant elett, u li jkollha sigurtà u kundizzjonijiet sanitarji adegwati waqt li tinsab taħt detenzjoni; jistieden lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib il-każ tagħha;

7.

Ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fil-Filippini u tal-ħidma tagħhom; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE fil-pajjiż biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għas-soċjetà ċivili fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet tal-Filippini, biex jużaw l-istrumenti kollha disponibbli għalihom biex iqawwu l-appoġġ tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ħidma tad-difensuri ambjentali, u, fejn xieraq, jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu rifuġju temporanju fl-Istati Membri tal-UE;

8.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Filippini jirrikonoxxu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jaqdu rwol leġittimu fil-garanzija tal-paċi, il-ġustizzja u d-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiggarantixxu, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-integrità fiżika u psikoloġika tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti fil-pajjiż, u biex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jwettqu ħidmiethom f'ambjent favorevoli u mingħajr biża' ta' rappreżalji; jilqa' pożittivament l-adozzjoni unanima mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Filippini tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jitlob lis-Senat u lill-President jippromulgawha b'urġenza;

9.

Jesprimi tħassib serju dwar l-adozzjoni reċenti tal-Att Kontra t-Terroriżmu, u jfakkar li m'hemm l-ebda ċirkostanza li taħtha l-promozzjoni, il-protesta, id-dissens, l-istrajks u l-eżerċitar simili ieħor ta' drittijiet ċivili u politiċi jistgħu jitqiesu bħala atti terroristiċi;

10.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex waqt il-45 sessjoni tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem li għaddejja bħalissa jappoġġaw l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni biex tiġi stabbilita investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-Filippini sa mill-2016;

11.

Jiddispjaċih ħafna għad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Filippini li jirtira mill-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura din id-deċiżjoni; iħeġġeġ lill-QKI tkompli l-investigazzjoni tagħha fl-allegazzjonijiet ta' reati kontra l-umanità fil-kuntest tal-qtil matul il-“gwerra kontra d-drogi”; jistieden lill-Gvern tal-Filippini jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI fl-eżami preliminari tiegħu tas-sitwazzjoni dwar il-Filippini;

12.

Jitlob għal darb'oħra lill-Awtoritajiet tal-Filippini jtemmu minnufih il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena kapitali bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għal imġiba kriminali;

13.

Iħeġġeġ lill-Filippini jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-popli indiġeni, inkluż fil-kuntest ta' kunflitt armat; jitlob lill-Gvern jiddefendi d-drittijiet tagħhom, jagħtihom is-setgħa u jadotta politika effettiva li ttejjeb il-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom;

14.

Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u jfakkar li tali vjolenza tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet misoġeni ripetuti tal-President Duterte; jistieden lill-President jittratta lin-nisa b'rispett u jżomm lura milli jinċita l-vjolenza kontra n-nisa;

15.

Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra l-persuni LĠBTQI, u jfakkar li tali vjolenza tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-persuna; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet umiljanti u sessisti fir-rigward ta' persuni li jidentifikaw li jappartjenu għall-komunità LGBTQI;

16.

Jinsab allarmat dwar iż-żieda fil-livelli ta' korruzzjoni taħt l-amministrazzjoni Filippina kurrenti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw il-korruzzjoni b'mod effettiv; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan ir-rigward;

17.

Ifakkar li l-miżuri adottati mill-gvernijiet b'rispons għall-pandemija għandhom jipproteġu liċ-ċittadini u mhux idgħajfu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu neċessarji, proporzjonali u nondiskriminatorji, li jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet nazzjonali, u għandhom jinżammu fis-seħħ biss sakemm ikun hemm bżonnhom, u m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġu limitati l-ispazju demokratiku u ċiviku, il-libertajiet fundamentali, u r-rispett tal-istat tad-dritt;

18.

Jinsab ixxukkjat bil-prattika ta' traffikar, ta' reklutaġġ militari u ta' involviment tat-tfal fil-kunflitti fil-pajjiż u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini itemm dawn il-prattiki; iħeġġeġ lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jipproteġi lit-tfal kollha mill-abbuż, u biex jiddefendi d-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni ta' tfal indiġeni; jopponi bil-qawwa kwalunkwe proposta biex tkompli titnaqqas l-età tar-responsabbiltà kriminali;

19.

Jiddenunzja t-theddid, l-intimidazzjoni u l-attakki personali diretti lejn id-detenturi ta' mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Filippini jikkooperaw mal-OHCHR u mal-mekkaniżmi kollha tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż billi jiffaċilitaw iż-żjarat fil-pajjiż u jieqfu minn atti ta' intimidazzjoni jew ritaljazzjoni kontrihom;

20.

B'kunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, sabiex fin-nuqqas ta' kwalunkwe titjib sostanzjali jew turija ta' rieda ta' kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Filippini, tniedi minnufih proċedura li tista' twassal għall-irtirar temporanju tal-preferenzi SĠP+;

21.

Jitlob lill-awtoritajiet Filippini jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), u jiżguraw proċessi ta' diliġenza dovuta effettivi dwar id-drittijiet tal-bniedem għal proġetti ta' investiment, żvilupp u kummerċ, speċjalment rigward l-akkwisti ta' negozji agrikoli fuq skala kbira, industriji tal-estrazzjoni, proġetti tal-infrastruttura u kooperazzjoni li jinvolvu s-settur tas-sigurtà; jappella lill-kumpaniji bbażati fl-UE jew li joperaw fiha biex jikkonformaw b'mod strett mal-UNGPs u mad-dritt internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll biex iwettqu proċess ta' diliġenza dovuta metikoluż u komprensiv fir-rigward tal-operazzjonijiet u r-relazzjonjiet kummerċjali tagħhom fi ħdan il-pajjiż;

22.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Filippini, u biex jirrapporta regolarment dwar dan lill-Parlament Ewropew;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Kungress tal-Filippini, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN).

(1)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 123.

(2)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 113.

(3)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 104.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/138


P9_TA(2020)0234

Il-każ ta' Dr. Denis Mukwege fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-każ ta' Dr Denis Mukwege fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2020/2783(RSP))

(2021/C 385/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dik tat-18 ta' Jannar 2018 (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Mejju 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà f'Ituri,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2528 tal-25 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u r-Riżoluzzjoni 2463 tad-29 ta' Marzu 2019 dwar l-estensjoni tal-mandat tal-Missjoni tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO);

wara li kkunsidra l-miżuri stabbiliti fir-Riżoluzzjoni 2528 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġeddet sa Lulju 2021 sensiela ta' sanzjonijiet bħal embargo fuq l-armi fuq il-gruppi armati fir-RDK, projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar ta' individwi u ffriżar tal-assi tal-individwi u l-entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet,

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU ta' Awwissu 2010 dwar l-Eżerċizzju tal-Immappjar li jiddokumenta l-aktar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq fit-territorju tar-RDK bejn Marzu 1993 u Ġunju 2003,

wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lil Dr Denis Mukwege fl-2014,

wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lil Dr Denis Mukwege fl-2018,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tat-28 ta' Awwissu 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-VP/RGħ, Josep Borrell, u tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għall-Vjolenza Sesswali fil-Konflitti, Pramila Patten, tat-18 ta' Ġunju 2020 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Sesswali fil-Konflitti,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou),

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li ġiet adottata b'mod unanimu fil-31 ta' Ottubru 2000,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-RDK għadha qed issofri vjolenza, attakki, qtil u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi armati domestiċi u barranin, b'mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat dawn l-attakki kienu qed jimmultiplikaw, b'mod partikolari fil-fruntiera bejn Ituri u Kivu tat-Tramuntana;

B.

billi Dr Denis Mukwege, ginekologu magħruf mir-RDK, iddedika l-biċċa l-kbira ta' ħajtu biex itemm l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u tal-kunflitt armat; billi fl-1999, Dr Mukwege waqqaf l-isptar Panzi f'Bukavu biex jagħti trattament lill-vittmi tal-vjolenza sesswali u sessista fil-Lvant tar-RDK; billi kważi 55 000 superstiti ġew ikkurati fl-isptar Panzi mid-data li twaqqaf sa Awwissu 2018;

C.

billi Dr Mukwege ilu żmien twil jitkellem bil-miftuħ b'difiża tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-ħtieġa tal-obbligu ta' rendikont, u dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem li jimmappja l-abbużi fir-reġjun bejn l-1993 u l-2003; billi Dr Mukwege bi ftit irnexxielu jeħlisha minn attentat ta' assassinju f'Ottubru 2012, meta persuni armati libsin ta' ċivili attakkaw id-dar tiegħu f'Bukavu, u f'dan l-attakk il-gwardja personali tiegħu tilef ħajtu;

D.

billi Dr Mukwege rċieva theddid serju u sostnut, inkluż theddid ta' mewt kontrih, kontra l-familja tiegħu u kontra l-persunal mediku fl-isptar Panzi; billi l-għadd ta' dawn it-theddidiet żdied f'dawn l-aħħar xhur b'reazzjoni għall-appelli ripetuti ta' Dr Mukwege f'Lulju 2020 biex tintemm l-impunità għal dawk li wettqu reati sesswali u massakri f'Kipupu, Sange u fil-provinċja ta' Ituri;

E.

billi Dr Mukwege ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-2018 u l-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2014 talli ddedika ħajtu biex jipprovdi kura għall-vittmi tal-vjolenza sesswali fir-RDK; billi bħala rebbieħ tal-Premju Sakharov, Dr Mukwege huwa intitolat għall-appoġġ sħiħ tal-Parlament Ewropew; billi Dr Mukwege sar figura pubblika prominenti u simbolu internazzjonali permezz tal-kisbiet u r-rikonoxximenti internazzjonali tiegħu, u jistħoqqlu protezzjoni speċjali kontra t-theddid;

F.

billi f'Awwissu 2020, il-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo Félix Tshisekedi, ikkundanna t-theddid ta' mewt u wiegħed li jieħu miżuri biex jiżgura s-sikurezza ta' Dr Mukwege;

G.

billi l-protezzjoni tas-sigurtà għal Dr Mukwege u tal-isptar Panzi ġiet ipprovduta min-NU permezz tal-MONUSCO; billi din il-protezzjoni ġiet irtirata f'Mejju 2020 iżda reġgħet iddaħħlet fid-9 ta' Settembru 2020 wara protesti internazzjonali rigward is-sikurezza ta' Dr Mukwege, li inkludew appelli mingħand il-Parlament Ewropew; billi l-protezzjoni fit-tul ta' Dr Mukwege għadha mhix ċara u jeħtieġ li tiġi żgurata;

H.

billi d-dimostranti niżlu fit-toroq ta' Kinshasa, il-kapitali tar-RDK, biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għal Dr Denis Mukwege, u talbu li huwa jiġi protett;

I.

billi fit-12 ta' Marzu 2017, irġiel armati qatlu lil żewġ investigaturi tan-NU – Zaida Catalán, Żvediża, u Michael Sharp, Amerikan – waqt li kienu qed jiddokumentaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun ċentrali ta' Kasai fir-RDK;

J.

billi fit-22 ta' Lulju 2020, għadd ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-moviment taċ-ċittadini Lutte pour le Changement (LUCHA) ġew arrestati arbitrarjament f'Kalehe (Kivu tan-Nofsinhar) talli ddenunzjaw is-serq tad-dawl tat-toroq pubbliku li kien ġie installat biex tittejjeb is-sikurezza; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u l-membru tal-LUCHA Lucien Byamungu Munganga ġie arrestat arbitrarjament f'Kalehe waqt li kien qed jipprotesta paċifikament għall-ħelsien tagħhom, u bħalissa jinsab f'detenzjoni fil-ħabs ċentrali ta' Kalehe; billi ġie espress tħassib għad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Josué Aruna – President provinċjali bbażat f'Bukavu tas-Société Civile Environnementale et Agro-Rurale du Congo;

K.

billi r-RDK ilha firmatarja tal-Protokoll ta' Maputo minn Marzu 2018;

L.

billi fit-3 ta' Settembru 2020, 20 suldat u uffiċjal tal-pulizija tar-RDK irċevew sentenzi ta' ħabs ta' bejn 5 snin u 20 sena għal stupru fil-Lvant tar-RDK;

M.

billi l-Parlament Ewropew fit-12 ta' Awwissu 2020, il-VP/RGħ fl-20 ta' Awwissu 2020, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-28 ta' Awwissu 2020, kif ukoll għadd ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali f'għadd ta' okkażjonijiet oħra, talbu pubblikament lill-awtoritajiet tar-RDK jwettqu investigazzjonijiet kriminali dwar it-theddid li għaddej bħalissa kontra Dr Mukwege u jerġgħu jistabbilixxu l-protezzjoni tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU;

N.

billi n-Nazzjonijiet Uniti esprimew l-impenn tagħhom li jkomplu jħarrġu lill-kontropartijiet tar-RDK sabiex tkun tista' tinstab soluzzjoni stabbli u fit-tul għas-sigurtà;

1.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-periklu serju esperjenzat minn Dr Mukwege; jikkundanna t-theddid fuq ħajtu u t-theddid kontra l-familja u l-persunal tiegħu; jesprimi s-solidarjetà sħiħa u l-appoġġ tiegħu għal Dr Mukwege;

2.

Ifaħħar lil Dr Mukwege għall-kuraġġ u l-impenn tiegħu tul ħajtu biex jiġġieled kontra l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u tal-kunflitt armat; jenfasizza l-importanza tal-pożizzjoni pubblika ta' Dr Mukwege, li huwa żamm għal diversi deċennji, b'rabta mad-denunzja ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fir-RDK;

3.

Jilqa' d-deċiżjoni tan-NU li terġa' tistabbilixxi l-protezzjoni tas-sigurtà tal-MONUSCO għal Dr Mukwege; itenni li l-protezzjoni personali tiegħu hija ta' importanza primarja u hija urġenti; iħeġġeġ lin-NU jiżguraw il-protezzjoni stabbli u sostnuta tiegħu, b'mod partikolari fid-dawl tat-theddid serju fuq ħajtu;

4.

Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jwettaq mingħajr dewmien investigazzjoni komprensiva dwar it-theddid li jsir permezz tal-midja soċjali, telefonati u messaġġi diretti mmirati mhux biss lejn Dr Mukwege, iżda wkoll lejn il-familja tiegħu u lejn l-persunal tal-Isptar Panzi, kif imwiegħed mill-President Félix Tshisekedi;

5.

Jenfasizza li l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb mhuwiex biss premju, iżda huwa impenn meħud mill-Membri tal-Parlament Ewropew li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem flimkien mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov u li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li r-rebbieħ ikun jista' jkompli jaġixxi b'mod liberu u sikur fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

6.

Jilqa' l-impenn fil-miftuħ ta' Dr Mukwege favur il-ħidma mwettqa fir-rapport tan-NU tal-2010 tal-eżerċizzju ta' mmappjar; jikkundanna n-nuqqas ta' progress li sar mill-komunità internazzjonali fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jsaħħu l-isforzi biex jipprevjenu aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, u jieħdu passi biex jistabbilixxu mekkaniżmi li se jiżguraw li l-vittmi ta' kunflitti futuri jgawdu mid-drittijiet tagħhom għall-ġustizzja u r-riparazzjoni;

7.

Jappoġġa, għalhekk, il-proposti għall-istabbiliment ta' kmamar imħallta speċjalizzati fil-qrati tar-RDK biex il-ġudikatura tar-RDK u l-komunità internazzjonali jkunu jistgħu jikkooperaw u jressqu quddiem il-ġustizzja l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jeżamina mill-ġdid il-ħidma tal-Kummissjoni preċedenti tiegħu għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni; jappoġġa bis-sħiħ it-talba li l-President Tshisekedi għamel lill-gvern tiegħu biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ġustizzja tranżizzjonali li jiġġudika l-aktar reati serji, u jittama bil-qawwa li jkun hemm adozzjoni f'waqtha taż-żewġ abbozzi ta' digrieti mill-Kunsill tal-Ministri, li ilhom jiġu kkunsidrati għal diversi xhur;

9.

Jistieden lill-Istati Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jitolbu l-istabbiliment ta' tribunal kriminali internazzjonali li jmexxi 'l quddiem il-każijiet dokumentati ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jmorru lura għal qabel l-2002;

10.

Jikkundanna bil-qawwa l-arresti arbitrarji ta' Lucien Byamungu Munganga u tal-membri l-oħra tal-LUCHA u jappella għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet u immedjat tagħhom; jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Josué Aruna;

11.

Iqis li huwa pass pożittiv 'il quddiem li, fit-3 ta' Settembru 2020, ġew ikkundannati suldati ħatja ta' stupru fil-parti tal-Lvant tar-RDK; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-impunità tal-milizzji u tal-forzi armati fil-pajjiż sabiex jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà għall-popolazzjonijiet ikkonċernati;

12.

Ifaħħar lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, li għadhom iwettqu xogħolhom minkejja l-isfidi li qed jiffaċċjaw, u jilqa' l-kundanna miftuħa tal-avvenimenti minn diversi organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali;

13.

Jistieden lill-VP/RGħ, lid-delegazzjoni tal-UE u lill-missjonijiet tal-UE fir-RDK jżidu l-appoġġ viżibbli tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fir-RDK, bl-użu tal-għodod kollha disponibbli (jiġifieri politiċi, diplomatiċi u finanzjarji) bħala miżura protettiva biex jipprovdu rikonoxximent għall-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u jirrikonoxxu r-rwol importanti tagħhom bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda għall-istabbiltà u l-paċi fir-reġjun;

14.

Jistieden lill-UE ssostni s-sanzjonijiet kontra l-awturi ta' vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK u jitlob li dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi għall-awturi msemmija fir-rapport tan-NU tal-eżerċizzju ta' mmappjar;

15.

Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa fil-kunflitti u jistieden lill-komunità internazzjonali tħaffef l-isforzi tagħha biex telimina l-pjaga tal-vjolenza sesswali u sessista fil-kunflitti armati u l-gwerer, tipproteġi lill-vittmi, ittemm l-impunità għall-awturi tar-reati, u tiggarantixxi l-aċċess għall-ġustizzja, ir-riparazzjonijiet u r-rimedju għas-superstiti;

16.

Jilqa' l-progress li sar permezz tar-ratifika tal-Protokoll ta' Maputo għad-drittijiet tan-nisa; jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll;

17.

Ifakkar li l-vjolenza fil-Lvant tar-RDK hija mwettqa minn gruppi armati ta' ribelli domestiċi u barranin, li huma ffinanzjati mill-aċċess għall-kummerċ tal-minerali u li qed jiġġieldu għall-istess aċċess; jenfasizza li kwalunkwe negozju, individwu, stat jew attur relatat ma' stat li jikkontribwixxi għat-twettiq ta' reati bħal dawn irid jitressaq quddiem il-ġustizzja; jilqa' d-dħul fis-seħħ skedat tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt fl-UE f'Jannar 2021, li huwa l-ewwel minn ħafna passi meħtieġa mill-komunità internazzjonali biex tindirizza din il-problema profonda; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' aktar azzjoni dwar id-diliġenza dovuta mandatarja u l-imġiba kummerċjali responsabbli min-negozji li joperaw f'żoni ta' kunflitt;

18.

Iħeġġeġ bil-qawwa l-kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani u l-istabbiliment ta' strateġija reġjonali mill-pajjiżi ġirien biex jiġu indirizzati l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;

19.

Jiddeplora l-posponiment sine die tal-mini-summit ta' Goma, li inizjalment kien skedat għat-13 ta' Settembru 2020, wara l-istedina mir-RDK, fi sforz biex jitlaqqgħu l-ħames Kapijiet ta' Stat tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani biex jiddiskutu modi kif iġibu l-paċi fir-reġjun; jittama bil-qawwa li dan is-summit jista' jiġi skedat mill-ġdid mal-ewwel opportunità u li jista' jwassal biex jittaffew it-tensjonijiet bejn il-pajjiżi bi fruntiera komuni;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.

(1)  ĠU C 458, 19.12.2018, p. 52.

(2)  ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/142


P9_TA(2020)0235

Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Mozambique

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Mozambique (2020/2784(RSP))

(2021/C 385/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u l-protokolli internazzjonali kontra t-terroriżmu;

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni fil-Mozambique, tal-10 ta' Settembru 2020 (1), tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-OCHA, tad-29 ta' Ġunju 2020 dwar is-Sitwazzjoni fil-Mozambique,

wara li kkunsidra l-opinjoni dwar il-Mozambique adottata fl-okkażjoni tas-87 sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja (UNWGAD) tal-1 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra r-rapporti dwar il-Mozambique tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eżami Perjodiku Universali, tat-12 ta' April 2016,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2002,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Mozambique tat-22 ta' April 2020,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Marzu 2020, intitolata “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” (JOIN(2020)0004),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2019: il-Mozambique,

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Mozambique u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020,

wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE tal-UE) fil-Mozambique dwar l-elezzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali u Provinċjali tal-15 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

wara li kkunsidra t-28 Djalogu Politiku bejn l-UE u l-Mozambique tal-5 ta' Ġunju 2020,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-UE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Mozambique u dwar ir-reġjun tal-SADC,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Ġunju 2020 tal-Kopresident tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE;

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

wara li kkunsidral-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Unità Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu,

wara li kkunsidra l-prinċipji li fuqhom hi msejsa l-SADC;

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-SADC, tas-17 ta' Awwissu 2020, dwar il-Mozambique,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni Nazzjonali tal-2019,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi minn Ottubru 2017 l-hekk imsejjaħ grupp terroristiku Al-Shabaab, allegatament affiljat mal-grupp armat li jsejjaħ lilu nnifsu l-Istat Iżlamiku tal-Provinċja tal-Afrika Ċentrali, għamel aktar minn 500 attakk vjolenti fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Cabo Delgado, u tterrorizza lill-popolazzjoni lokali, qatel aktar minn 1 500 ruħ u b'hekk ġiegħel l-ispostament ta' 250 000 abitant u ħalla 700 000 persuna fil-bżonn ta' assistenza;

B.

billi l-attakki terroristiċi saru dejjem aktar vjolenti u li bosta villaġġi sfaw attakkati, bil-ħruq u l-qerda ta' aktar minn 1 000 dar; billi, skont ir-rapporti, il-militanti bdew jissekwestraw lin-nisa u lill-bniet;

C.

billi f'Awwissu l-gruppi ġiħadisti ħadu taħt idejhom il-belt portwarja ta' Mocimboa da Praia, port essenzjali biex jaġevola l-isfruttament taż-żejt u tal-gass naturali likwifikat (LNG); billi l-ħakma fit-tul ta' Al-Shabaab fuq il-belt tagħti x'tifhem li l-grupp terroristiku qiegħed isir aktar b'saħħtu u sofistikat;

D.

billi r-ribelli Iżlamiċi jirrikorru dejjem aktar spiss għall-kummerċ illegali ta' drogi bħala sors ta' finanzjament;

E.

billi l-Mozambique ma għandux storja ta' militanza Iżlamista; billi madwar 30 % tal-31 miljun abitant tal-Mozambique huma Kattoliċi, filwaqt li 18 % huma Musulmani u żewġ provinċji biss, Cabo Delgado u Niassa, għandhom maġġoranza Musulmana;

F.

billi l-azzjonijiet militari tal-awtoritajiet tal-Mozambique ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu l-attakki u jippermettu li tiġi indirizzata din l-emerġenza umanitarja, li qiegħda sejra għall-agħar b'ritmu allarmanti;

G.

billi l-forzi ta' sigurtà tal-gvern tal-Mozambique rreaġixxew bi vjolenza sproporzjonata, u f'xi okkażjonijiet kisru l-impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-President tal-Mozambique Filipe Nyusi rrikonoxxa “vjolazzjonijiet involontarji” tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-awtoritajiet ta' Cabo Delgado; billi ġew irrapportati episodji ta' repressjoni tal-libertà tal-espressjoni, kif ukoll vessazzjonijiet fil-konfront ta' ġurnalisti;

H.

billi l-armata tal-Mozambique hija mgħammra ħażin biex issib tarf il-mewġa ta' terroriżmu fir-reġjun; billi jippersistu l-biżgħat leġittimi li r-ribelljoni tinfirex fil-pajjiżi ġirien u tiddestabbilizza r-reġjun;

I.

billi aktar minn nofs il-vittmi tal-vjolenza f'Cabo Delgado huma tfal; billi kien hemm akkużi ta' reklutaġġ ta' tfal fi gruppi armati, ħtif u vjolenza sesswali u tal-ġeneru fil-konfront ta' nisa u bniet; billi l-popolazzjoni spiss tittieħed bħala ostaġġ matul il-ġlied bejn il-gruppi armati u l-forzi militari statali;

J.

billi l-Mozambique għandu l-obbligu li jirrispetta l-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali li rratifika, b'mod partikolari fiċ-ċentri ta' detenzjoni tiegħu; billi wara l-atti barbari attribwiti lil Al-Shabaab ma għandhomx isegwu vjolazzjonijiet ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-forzi ta' sigurtà tal-Mozambique;

K.

billi l-Aġenzija għall-Iżvilupp Integrat tat-Tramuntana (Agencia de desenvolvimento integrado do norte, ADIN) inħolqot f'Marzu 2020 bil-għan speċifiku li tindirizza n-nuqqasijiet soċjoekonomiċi tat-Tramuntana tal-pajjiż;

L.

billi f'Awwissu 2019 ġie ffirmat Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni Nazzjonali bil-għan li jġib il-paċi fil-pajjiż, itemm il-vjolenza, jikseb l-inklużjoni demokratika u jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ċivili;

M.

billi l-Mozambique għadu f'sitwazzjoni fraġli ħafna u qed jitħabat biex ilaħħaq ma' bosta sfidi tas-sigurtà, ekonomiċi u soċjali; billi l-Mozambique huwa fost l-ifqar pajjiżi u l-anqas żviluppati, u jikklassifika l-180 post minn 189 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, bil-medja tal-istennija ta' tul tal-ħajja fit-twelid tkun 58 sena biss; billi aktar minn 10 miljun abitant tal-Mozambique jgħixu f'faqar estrem u f'insigurtà tal-ikel; billi din is-sitwazzjoni taffettwa b'mod partikolari lin-nisa u lill-gruppi vulnerabbli, li jgħaddu mill-akbar diffikultajiet;

N.

billi l-COVID-19 esponiet aktar il-fraġilitajiet tal-ekonomija reġjonali, li, fin-nuqqas ta' protezzjoni soċjali adegwata, ħalliet miljuni ta' persuni impjegati fl-ekonomija informali u dawk li tilfu l-impjieg tagħhom qed jiffaċċjaw il-ġuħ u d-destituzzjoni, u jinsabu esposti għal vulnerabbiltajiet, inkluż f'xi każijiet abbużi tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem; billi mid-9 ta' Settembru 2020 lil hawn, il-Mozambique rreġistra total ta' aktar minn 4 500 każ ikkonfermat ta' COVID-19 u 27 mewta fil-11-il provinċja tal-pajjiż;

O.

billi f'dawn l-aħħar snin, il-Mozambique esperjenza diżastri naturali devastanti relatati mal-klima, inklużi żewġ ċikluni ewlenin fl-2019, li intensifikaw il-livelli ta' faqar u nuqqas ta' sigurtà li kienu diġà għoljin; billi diżastri bħal dawn wasslu għal insigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni kronika mifruxa f'partijiet tal-pajjiż, b'aktar minn 43 fil-mija tat-tfal taħt l-età ta' ħames snin isofru minn rata baxxa ta' żvilupp; billi fl-2020 huwa stmat li total ta' 7,9 miljun ruħ jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti;

P.

billi s-solidarjetà fil-Mozambique qed tikber, bil-qagħda mwiegħra tan-nies f'Cabo Delgado tiġbed attenzjoni partikolari, li wasslet liż-żgħażagħ fil-Mozambique, b'mod partikolari, iniedu Kampanja Nazzjonali ta' Solidarjetà għal Cabo Delgado bil-hashtag #CaboDelgadoTambénÉMocambique (Cabo Delgado huwa wkoll il-Mozambique) biex titqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni traġika fir-reġjun;

Q.

billi fl-2010 u fl-2013 ġew skoperti riżervi kbar ta' gass fil-Mozambique: billi dawn ir-riżervi jinkludu madwar 5 000 biljun metru kubu, id-disa' l-akbar riżerva ta' gass fid-dinja; billi dan potenzjalment iqiegħed lill-Mozambique fost l-akbar erba' produtturi tal-LNG fid-dinja; billi huwa mistenni li mill-inqas se jiġu investiti USD 60 biljun matul il-ftit snin li ġejjin biex jiġu sfruttati dawn ir-riżervi, l-akbar investimenti li qatt saru fl-Afrika sub-Saħarjana;

R.

billi l-interessi industrijali u ekonomiċi Ewropej u barranin l-oħra kollha fil-Mozambique għandhom jitwettqu totalment skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-Kummissjoni qed tikkunsidra impenji ta' diliġenza dovuta obbligatorja biex tiżgura li l-investituri tal-UE u dawk involuti fl-industriji tal-estrazzjoni jaġixxu b'mod responsabbli u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali f'pajjiżi bħall-Mozambique;

S.

billi l-Mozambique u, b'mod partikolari, ir-reġjun ta' Cabo Delgado, filwaqt li juru l-ogħla rati ta' illitteriżmu, inugwaljanza u malnutrizzjoni tat-tfal, huma għonja fir-riżorsi naturali u l-materja prima, fatt li attira l-investiment minn bosta kumpaniji internazzjonali u tal-UE li qed jikkompetu għall-aċċess għas-suq tar-riżorsi naturali; billi, skont xi rapporti, id-dħul mir-riżorsi naturali tqassam b'mod diżomoġenju fil-Mozambique;

T.

billi fit-13 ta' April 2020, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) approva ħelsien immedjat mis-servizzi tad-dejn lil 25 pajjiż, inkluż madwar USD 309 miljun lill-Mozambique taħt il-Fond Fiduċjarju ta' Għajnuna u għat-Trażżin ta' Katastrofi (Catastrophe Containment and Relief Trust – CCRT) biex jgħin ħalli jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19;

U.

billi fl-4 ta' Ġunju 2020, il-Koordinatur Umanitarju tan-NU għall-Mozambique, Myrta Kaulard, appellat lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-appoġġ tagħha lill-Mozambique;

V.

billi l-Unjoni Ewropea wiegħdet EUR 200 miljun f'appoġġ għall-irkupru għall-Mozambique wara ċ-ċikluni tal-2019, segwiti b'EUR 110 miljun f'appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-COVID-19;

W.

billi l-istrateġija reġjonali tal-SADC tal-2015 kontra t-terroriżmu, li ġiet żviluppata f'konformità mal-istrateġija globali tan-NU kontra t-terroriżmu, tipprevedi assistenza fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ, is-sigurtà tal-fruntieri, l-għajnuna umanitarja u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tat-terroriżmu;

X.

billi l-Mozambique bħalissa għandu l-presidenza b'rotazzjoni tal-SADC; billi matul l-40 Summit tagħha tas-17 ta' Awwissu 2020, l-organizzazzjoni reġjonali faħħret lill-pajjiż għall-isforzi kontinwi tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-attakki vjolenti, u esprimiet is-solidarjetà u l-impenn tal-SADC bl-appoġġ lill-Mozambique biex jindirizza t-terroriżmu u l-attakki vjolenti, u kkundannat l-atti kollha ta' terroriżmu u attakki armati;

Y.

billi f'April 2020, kemm id-Delegazzjoni tal-UE fil-Mozambique kif ukoll il-Kunsill qajmu tħassib serju dwar l-attakki f'Cabo Delgado u l-eskalazzjoni tal-vjolenza kontra ċ-ċivili;

Z.

billi minkejja l-brutalità u t-telf orribbli ta' ħajjiet, is-sitwazzjoni f'Cabo Delgado naqset milli tattira l-attenzjoni internazzjonali, li jfisser li ntilef żmien prezzjuż biex il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod effettiv fi stadju aktar bikri;

1.

Jiddikjara t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fit-Tramuntana tal-Mozambique, b'mod partikolari fil-Provinċja ta' Cabo Delgado, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi tal-vjolenza, li jammontaw għal aktar minn 1 500; jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ tiegħu lill-poplu tiegħu, speċjalment lil aktar minn 250 000 persuna li kellhom jaħarbu minn djarhom;

2.

Jenfasizza li l-problemi attwali ta' sigurtà jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni umanitarja diġà estremament fraġli li tirriżulta minn livelli għoljin ta' sottożvilupp, xokkijiet klimatiċi u kunflitti;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Mozambique jieħdu azzjoni effettiva u deċiżiva fil-ġlieda kontra r-ribelljoni Iżlamika u jipproteġu liċ-ċittadini kollha ta' Cabo Delgado; jesprimi tħassib serju li r-ribelljoni qed tikseb appoġġ dejjem akbar fost l-organizzazzjonijiet terroristiċi reġjonali u internazzjonali; jindika, f'dan il-kuntest, ix-xebh sfortunat ma' reġjuni oħra, bħas-Saħel u l-Qarn tal-Afrika;

4.

Jenfasizza li jekk ma titwaqqafx, ir-ribelljoni potenzjalment se tikber u tinfirex fil-pajjiżi ġirien, u dan jhedded l-istabbiltà reġjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal politika effettiva u sostenibbli kemm mill-gvern nazzjonali kif ukoll mill-atturi reġjonali u internazzjonali;

5.

Ifakkar lill-Gvern tal-Mozambique fir-responsabbiltà tiegħu li jressaq lil dawk kollha suspettati b'attività terroristika quddiem il-ġustizzja permezz ta' proċessi ġusti; jistieden lill-Gvern tal-Mozambique jniedi investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar it-tortura u ksur gravi ieħor allegatament imwettaq mill-forzi tas-sigurtà tiegħu f'Cabo Delgado; ifakkar li l-Mozambique huwa firmatarju tal-ICCPR, tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, li jipprojbixxu t-tortura u trattament ħażin ieħor u l-privazzjoni arbitrarja tal-ħajja;

6.

Jissottolinja l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti u ta' dawk kollha li sempliċement jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom u jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta' tħassib pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Mozambique jwettqu investigazzjoni imparzjali dwar il-każijiet suspettati kollha ta' vandaliżmu tal-organi li jwasslu l-aħbarijiet, it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni u l-akkużi relatati mal-vessazzjonijiet u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Mozambique jiżguraw il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza lokali effettiva u l-istabbiliment mill-ġdid effettiv tal-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Mozambique; ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u r-rispett għal-libertajiet demokratiċi huma kruċjali wkoll għas-suċċess tal-Ftehim ta' Paċi definittiv iffirmat fl-2019 bejn il-Front għal-Liberazzjoni tal-Mozambique (Frelimo) u r-Reżistenza Nazzjonali tal-Mozambique (Renamo);

8.

Jissottolinja l-importanza li jitkomplew ir-riformi meħtieġa sabiex jirrispondu b'mod adegwat għall-ħtiġijiet tal-poplu tal-Mozambique, u b'hekk ma jitħallewx ikunu miri vulnerabbli tar-radikalizzazzjoni; jissottolinja b'mod partikolari l-ħtieġa urġenti li jinħolqu impjiegi u opportunitajiet għan-nies f'Cabo Delgado, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li ssir ħidma lejn l-eliminazzjoni ta' wħud mill-kawżi ewlenin tat-terroriżmu bħan-nuqqas ta' sigurtà, il-faqar, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanza, l-esklużjoni, il-qgħad, id-degradazzjoni ambjentali, il-korruzzjoni u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi kif ukoll l-impunità, li b'hekk tikkontribwixxi immens għall-qerda tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

9.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-intervent militari kollu fir-reġjun jipproteġi, jirrispetta u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mozambique jappoġġaw u jaħdmu ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u gruppi bbażati fil-komunità biex jintroduċu pjattaformi għal inizjattivi għall-bini tal-paċi li jinkoraġġixxu l-involviment paċifiku, id-djalogu, ir-rikonċiljazzjoni u l-koeżistenza fost il-partijiet ikkonċernati kollha; jiddeplora l-użu tal-forzi tas-sigurtà privati f'dan il-kunflitt, li jkomplu jgħollu l-ispiża monetarja għall-pajjiż u joperaw mingħajr ebda sorveljanza internazzjonali;

10.

Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tal-persuni spostati internament (IDP) fil-Mozambique; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu mill-qrib mal-SADC u l-istati membri tagħha ħalli jsolvu l-kriżi umanitarja li sejra għall-agħar fir-reġjun u jfasslu pjan ta' azzjoni effettiv;

11.

Jistieden lill-Gvern tal-Mozambique jikkoopera b'mod miftuħ ma' istituzzjonijiet internazzjonali bħar-Rapporteurs Speċjali tan-NU, u jippermetti investigaturi u osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u janalizza ġustament il-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni f'Cabo Delgado sabiex jipprovdilhom l-għajnuna meħtieġa; jemmen, barra minn hekk, li l-vittmi tal-vjolenza jridu jiġu protetti permezz ta' pjan ta' għajnuna sabiex ikunu jistgħu jkomplu b'ħajjithom;

12.

Jemmen li hemm bżonn ta' sforz reġjonali u internazzjonali aktar ikkoordinat sabiex ikun hemm rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà u umanitarji imminenti f'Cabo Delgado, inkluż il-bżonn li jiġi indirizzat theddid transfruntier bħar-ribelljoni terroristika, is-sigurtà tal-ikel, l-IDP u l-kuntrabandu; jistieden, għalhekk, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jestendi l-appoġġ addizzjonali għall-SADC u l-Unjoni Afrikana (UA), sabiex tinstab soluzzjoni dejjiema u paċifika;

13.

Jirrimarka li l-Organu għall-Politika, id-Difiża u l-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà (OPDS) tal-SADC, bl-unità tal-ġlied multinazzjonali tiegħu għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet serji ta' kontra r-ribelljoni, għandu jkun attur attiv importanti għall-ġestjoni ta' dan il-kunflitt u għandu jikkundannah fi żmien qasir, filwaqt li jħeġġeġ u jappoġġa lill-awtoritajiet tal-Mozambique għal perjodu ta' żmien twil fl-implimentazzjoni ta' riformi ulterjuri li għandhom l-għan li jippromwovu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt, li jirrappreżentaw prerekwiżit għall-istabbiltà, il-paċi u l-iżvilupp;

14.

Itenni li l-UE hija lesta tidħol fi djalogu mal-Mozambique biex tiddetermina għażliet effettivi għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-UE, filwaqt li tqis il-karattru kumpless u reġjonali tas-sitwazzjoni, u jistieden lill-Gvern tal-Mozambique jkun aktar reattiv f'dan id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-UE u mal-SADC; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Mozambique u l-livelli kollha tas-soċjetà ċivili fi sforz biex tinstab soluzzjoni inklużiva u biex jiġu indirizzati b'mod urġenti l-ħtiġijiet ta' dawk l-aktar vulnerabbli;

15.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell, u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni mill-qrib u jżidu l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali; jilqa', fid-dawl ta' dan kollu, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2020, iżda jinsisti li għandha tiġi stabbilita azzjoni diplomatika ulterjuri, partikolarment minn dawk l-Istati Membri li jikkondividu rabtiet storiċi u amikevoli mal-pajjiż, sabiex tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal azzjoni urġenti dwar din il-kwistjoni bid-dimensjonijiet reġjonali u umanitarji tagħha u tinġibed l-attenzjoni tal-gvern għall-konsegwenzi ġeopolitiċi li se jirriżultaw min-nuqqas ta' rispons reġjonali u internazzjonali kkoordinat;

16.

Jesprimi t-tama tiegħu li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Afrika, ladarba tkun fis-seħħ b'mod effettiv, se tgħin biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika abbażi ta' sħubija bejn partijiet ugwali fil-kontinent kollu, u li t-tnejn li huma se jaħdmu flimkien biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi bħall-Mozambique;

17.

Iqis li l-iżviluppi attwali fil-Mozambique u l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tiegħu se jiġu indirizzati kif xieraq fil-politika tal-UE għall-Afrika fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021 li jmiss; jissottolinja li, meta spiss tkun mifnija mill-għargħar u minn diżastri naturali oħra, il-popolazzjoni tal-Mozambique għandha tirċievi l-appoġġ u l-għajnuna umanitarja kollha disponibbli;

18.

Jemmen li s-Summit UE-Afrika li jmiss huwa opportunità eċċellenti biex tiġi indirizzata aħjar il-kwistjoni ta' din it-traġedja umanitarja u biex l-UE żżid l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali;

19.

Ifakkar fl-impenji ta' għajnuna internazzjonali li saru waqt il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li saret f'Beira, fit-30 ta' Mejju u l-1 ta' Ġunju 2019, li matulha l-Unjoni Ewropea wiegħdet EUR 200 miljun f'appoġġ għall-irkupru; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu bis-sħiħ dawn l-impenji; jirrimarka li l-irkupru fit-tul jista' jinkiseb biss permezz ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv; jitlob, għalhekk, li tingħata assistenza mill-UE biex tappoġġa l-isforzi tal-Mozambique ħalli jistabbilizza l-ekonomija tiegħu, joħloq l-impjiegi u jrawwem il-kompetittività rurali, filwaqt li jiżgura l-inklużività u l-preservazzjoni tal-ambjent;

20.

Jilqa' s-CCRT tal-FMI bħala pass fid-direzzjoni t-tajba fl-assistenza lill-Mozambique fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu aktar donazzjonijiet lill-FMI, u biex il-FMI jesplora aktar alternattivi ħalli jagħti spinta lir-riżorsi disponibbli għas-CCRT, bħall-użu tar-riżervi eżistenti tiegħu stess; ifakkar li l-kontribuzzjonijiet għall-fond ma jridu bl-ebda mod jiffunzjonaw bħala sostitut għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

21.

Iqis li huwa ta' importanza kbira li l-popolazzjoni lokali, b'mod partikolari fl-ifqar provinċji tal-pajjiż, tibbenefika mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħhom; jistieden lill-gvern jalloka b'mod ġust id-dħul minn proġetti ta' sfruttament għal proġetti ta' żvilupp lokali filwaqt li jirrispetta standards ambjentali u soċjali għoljin;

22.

Ifakkar li l-poplu tal-Mozambique, kemm ta' twemmin Kristjan kif ukoll ta' twemmin Musulman, ilu jgħix f'koeżistenza paċifika għal żmien twil, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li dan il-mudell ta' tolleranza u solidarjetà se jieħu preċedenza minkejja l-attakki minn terroristi Iżlamiċi;

23.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-edukazzjoni u jitrawwem l-iżvilupp rurali biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ f'żoni rurali;

24.

Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Mozambique, u lill-membri u lill-mexxejja tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Unjoni Afrikana.

(1)  https://reliefweb.int/report/mozambique/mozambique-situation-report-10-september-2020


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/148


P9_TA(2020)0238

Oġġezzjoni skont l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura: Livelli massimi ta' residwi għal ħafna sustanzi inklużi l-flonikamid, l-alossifop u l-mandestrobin

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-livelli massimi tar-residwi taċ-ċiklossidim, tal-flonikamid, tal-alossifop, tal-mandestrobin, tal-mepikwat, tar-razza NRRL Y-27328 tal-Metschnikowia fructicola u tal-proeżadjon f'ċerti prodotti jew fuqhom (D063880/06 – 2020/2734(RPS))

(2021/C 385/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-livelli massimi tar-residwi tal-ċiklossidim, tal-flonikamid, tal-alossifop, tal-mandestrobin, tal-mepikwat, tar-razza NRRL Y-27328 tal-Metschnikowia fructicola u tal-proeżadjon f'ċerti prodotti jew fuqhom (D063880/06,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 14(1)(a) tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fis-17–18 ta' Frar 2020 mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-27 ta' Mejju 2019 u ppubblikata fit-2 ta' Awwissu 2019 (3),

wara li kkunsidra l-konklużjoni adottata mill-EFSA fit-18 ta' Diċembru 2009, u ppubblikata fis-7 ta' Mejju 2010 (4),

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata adottata mill-EFSA fit-18 ta' Ottubru 2018, u ppubblikata fit-2 ta' Novembru 2018 (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) u l-Artikolu 5a(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.

billi l-flonikamid huwa insettiċida selettiva użata fuq, inter alia, patata, qamħ, tuffieħ, lanġas, ħawħ u bżar;

B.

billi l-perjodu ta' approvazzjoni tal-flonikamid bħala sustanza attiva diġà ġie estiż mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2069 (7);

C.

billi fl-opinjoni tal-5 ta' Ġunju 2013 (8) tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“ECHA”), ġew proposti klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flonikamid, l-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru Daniż osservat “clear effects on visceral malformations occurring at non-maternally toxic levels in the rabbit” (effetti ċari fuq il-malformazzjonijiet vixxerali li jseħħu f'livelli tossiċi mhux maternali fil-fenek);

D.

billi l-flonikamid tinsab taħt skrutinju fl-Istati Uniti talli potenzjalment tippreżenta riskju ogħla għad-dakkara milli kien mifhum qabel, hekk kif studji ġodda ppreżentati mill-manifattur tal-flonikamid ISK Biosciences juru li l-flonikamid jesponi lin-naħal għal 51 darba l-ammont ta' flonikamid li jikkawżalhom ħsara sostanzjali (9);

E.

billi l-alossifop-P huwa erbiċida użat, fost oħrajn, fuq il-karrotti, il-legumi tal-għalf, iż-żerriegħa tal-kolza, il-fażola tas-sojja u l-pitravi taz-zokkor;

F.

billi l-alossifop-P huwa ta' ħsara jekk jinbela' u jagħmel ħsara lill-organiżmi akwatiċi b'mod li jħalli effetti dejjiema abbażi tal-klassifikazzjoni tal-ECHA; billi l-alossifop-P wera effetti ta' epatotossiċità, nefrotossiċità u stress ossidattiv fil-firien wara esponiment għall-alossifop-P-metil (10);

G.

billi l-manifattura, id-distribuzzjoni u l-użu tal-alossifop-P ilhom ipprojbiti fi Franza għall-iskopijiet agrikoli u mhux agrikoli kollha mill-4 ta' Settembru 2007 (11); billi l-alossifop-P ilu pprojbit għal erba' snin fl-Unjoni kollha skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1376/2007 (12);

H.

billi l-alossifop-P ġie approvat bħala sustanza attiva fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (13), b'użu ristrett ħafna (14) u rekwiżiti stretti għall-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, il-protezzjoni tal-organiżmi akkwatiċi u s-sikurezza tal-operaturi;

I.

billi, fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2233 (15), il-Kummissjoni kkonkludiet fir-rigward tal-użu tal-alossifop-P bħala sustanza attiva li “l-informazzjoni ta' konferma ulterjuri li kienet meħtieġa ma ġietx ipprovduta kollha, u li ma setax jiġi eskluż riskju inaċċettabbli għall-ilma tal-pjan ħlief billi jiġu imposti aktar restrizzjonijiet”;

J.

billi, fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2233, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kien “xieraq li jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-użu ta' din is-sustanza attiva, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti limiti fuq ir-rati u l-frekwenza tal-applikazzjoni tagħha”;

K.

billi l-Kummissjoni ddeċidiet fit-30 ta' April 2018 li testendi l-perjodu ta' approvazzjoni tal-alossifop-P bħala sustanza attiva sal-31 ta' Diċembru 2023 (16);

L.

billi l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta' prekawzjoni bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

M.

billi l-Artikolu 168(1) tat-TFUE jiddisponi li “livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”;

N.

billi d-Direttiva 2009/128/KE għandha l-għan li jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-Unjoni billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u billi jiġi promoss l-użu ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM) u ta' approċċi jew tekniki alternattivi, bħall-alternattivi mhux kimiċi għall-pestiċidi;

O.

billi meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta' residwi (MRLs), jeħtieġ li jitqiesu l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi filwaqt li huwa tal-akbar importanza li jiġu żviluppati b'mod urġenti metodi xierqa għal din il-valutazzjoni;

P.

billi ż-żidiet fl-MRL tal-alossifop-P fuq iż-żrieragħ tal-kittien u għall-mandestrobin fuq il-frawli u l-għeneb huma bbażati fuq talbiet għal allinjament normattiv minn pajjiżi terzi;

Q.

billi l-applikanti jsostnu li l-użu awtorizzat tal-alossifop-P u tal-mandestrobin fuq dawn l-għelejjel fl-Awstralja u fil-Kanada wassal għal residwi ogħla mill-MRLs li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 u li huma meħtieġa MRLs ogħla biex ma jinħolqux ostakli kummerċjali għall-importazzjoni ta' dawn l-għelejjel;

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.

Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u mal-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 396/2005;

3.

Iqis li l-Unjoni u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw il-prinċipju tar-responsabbiltà ambjentali u m'għandhomx jinkoraġġixxu l-użu f'pajjiżi terzi ta' prodotti li huma pprojbiti fit-territorju ta' xi Stati Membri u li l-Unjoni qiegħda tipprova trażżan l-użu tagħhom;

4.

Iqis li r-regoli dwar il-kummerċ ħieles m'għandhom qatt iwasslu għal tnaqqis fl-istandards protettivi tal-Unjoni;

5.

Jagħraf li l-EFSA qiegħda taħdem fuq metodi biex tivvaluta r-riskji kumulattivi, iżda jinnota wkoll li l-problema tal-valutazzjoni tal-effetti kumulattivi tal-pestiċidi u tar-residwi ilha magħrufa għal għexieren ta' snin; għaldaqstant jitlob lill-EFSA u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-problema bħala kwistjoni ta' urġenza assoluta;

6.

Jinnota li fl-ambitu tal-abbozz ta' regolament, l-MRLs għall-flonikamid ser jiżdiedu minn 0,03 għal 0,5 mg/kg għall-frawli, minn 0,03 għal 1 mg/kg għat-tut u l-lampun, minn 0,03 għal 0,7 mg/kg għal frott żgħir u artab ieħor, minn 0,03 għal 0,3 mg/kg għal ħxejjex oħra tal-għeruq u tat-tuberi b'mod ġenerali, iżda minn 0,03 għal 0,6 mg/kg għar-ravanell, minn 0,03 għal 0,07 mg/kg għal ħass u pjanti tal-insalata, u minn 0,03 għal 0,8 mg/kg għal bus u ħemes;

7.

Jissuġġerixxi li l-MRL tal-flonikamid għandu jibqa' 0,03 mg/kg;

8.

Jinnota li skont l-abbozz ta' regolament, l-MRL tal-alossifop-P ser jiżdied minn 0,01 għal 0,05 mg/kg għaż-żerriegħa tal-kittien;

9.

Jissuġġerixxi li l-MRL tal-alossifop-P għandu jibqa' 0,01 mg/kg;

10.

Jinnota li skont l-abbozz ta' regolament, l-MRLs tal-mandestrobin ser jiżdiedu minn 0,01 għal 5 mg/kg għall-għeneb, u minn 0,01 għal 3 mg/kg għall-frawli;

11.

Jissuġġerixxi li l-MRL tal-mandestrobin għandu jibqa' 0,01 mg/kg;

12.

Jappella lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(3)  “EFSA reasoned opinion on modification of the existing maximum residue levels for flonicamid in strawberries and other berries” (L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar il-modifika tal-livelli massimi ta' residwu eżistenti għall-flonikamid fil-frawli u f'frott artab ieħor), EFSA Journal 2019; 17(7):5745, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5745

(4)  “EFSA conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance flonicamid” (Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva flonikamid), EFSA Journal 2010; 8(5):1445, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/1445

(5)  “EFSA reasoned opinion on setting of import tolerances for haloxyfop-P in linseed and rapeseed” (L-opinjoni motivata tal-EFSA dwar l-istabbiliment ta' tolleranzi tal-importazzjoni tal-alossifop-P fiż-żerriegħa tal-kittien u fiż-żerriegħa tal-kolza), EFSA Journal 2018; 16(11):5470, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/5470

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2069 tat-13 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' approvazzjoni għas-sustanzi attivi flonicamid (IKI-220), metalassil, penoxsulam u proquinazid (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 51).

(8)  Opinjoni tal-5 ta' Ġunju 2013 tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji li tipproponi klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati tal-flonikamid fil-livell tal-UE, https://echa.europa.eu/documents/10162/0916c5b3-fa52-9cdf-4603-2cc40356ed95

(9)  https://oag.ca.gov/news/press-releases/attorney-general-becerra-warns-against-expanded-use-pesticide-found-harm-bees

(10)  Olayinka, E.T, and Ore, A., 'Hepatotoxicity, Nephrotoxicity and Oxidative Stress in Rat Testis Following Exposure to Haloxyfop-p-methyl Ester, an Aryloxyphenoxypropionate Herbicide', Toxics., Diċembru 2015, 3(4), pp. 373–389, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC5606644/

(11)  https://www.legifrance.gouv.fr/affichTexte.do;jsessionid=235653D01B24A4B694A6C342E7323D6F .tplgfr38s_1?cidTexte=JORFTEXT000000464899&dateTexte=&oldAction=rechJO&categorieLien=id&idJO=JORFCONT000000005119

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1376/2007 tat-23 ta' Novembru 2007 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 304/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi (ĠU L 307, 24.11.2007, p. 14).

(13)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(14)  L-użu biss bħala erbiċida jista' jiġi awtorizzat f'rati li ma jaqbżux 0,052 kg tas-sustanza attiva għal kull ettaru għal kull applikazzjoni u applikazzjoni waħda biss tista' tiġi awtorizzata kull tliet snin.

(15)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2233 tat-2 ta' Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva haloxyfop-P (ĠU L 317, 3.12.2015, p. 26).

(16)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/670 tat-30 ta' April 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fejn għandu x'jaqsam mat-titwil tal-perjodi ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi bromukonażol, buprofeżin, ħalossifop-P u napropammid (ĠU L 113, 3.5.2018, p. 1).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/152


P9_TA(2020)0239

L-irkupru kulturali tal-Ewropa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708(RSP))

(2021/C 385/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Preambolu u l-Artikoli 2, 3 u 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 intitolata "Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura (COM(2018)0268),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 intitolata “Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura” (COM(2018)0267),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2017 intitolata “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura” (COM(2017)0673),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar Trasport u Turiżmu fl-2020 u lil hinn (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE (4) (“ir-Regolament”),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17, it-18, id-19, l-20 u l-21 ta' Lulju 2020,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (2018/C 460/10),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Identifying Europe's recovery needs” (“Nidentifikaw il-ħtiġijiet tal-irkupru tal-Ewropa”) li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-27 ta' Mejju 2020 dwar “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0456),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 intitolat “Cultural Heritage Counts for Europe” (“Il-Wirt Kulturali Jgħodd għall-Ewropa”),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kultura hija settur strateġiku għall-Unjoni Ewropea, li mhux biss tikkostitwixxi parti importanti mill-ekonomija tagħna, iżda tikkontribwixxi wkoll għal soċjetajiet demokratiċi, sostenibbli, liberi u inklużivi, filwaqt li tirrifletti d-diversità, il-valuri, l-istorja, il-libertajiet u l-istil ta' ħajja Ewropej tagħna;

B.

billi l-kultura u l-libertà tal-oqsma tal-arti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-vitalità ta' soċjetà u jippermettu lis-segmenti kollha tas-soċjetà jesprimu l-identitajiet tagħhom, filwaqt li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u d-djalogu interkulturali li jwittu t-triq għal Unjoni Ewropea dejjem eqreb;

C.

billi l-kultura għandha valur intrinsiku bħala espressjoni ta' umanità, demokrazija u impenn ċiviku li jistgħu jkunu kruċjali għall-avvanz tal-iżvilupp sostenibbli;

D.

billi l-kultura ssaħħaħ il-kapital soċjali tas-soċjetajiet, tiffaċilita ċ-ċittadinanza demokratika, trawwem il-kreattività, il-benesseri u l-ħsieb kritiku, tinkoraġġixxi l-integrazzjoni u l-koeżjoni u tippromwovi d-diversità, l-ugwaljanza u l-pluraliżmu;

E.

billi l-parteċipazzjoni kulturali ġiet rikonoxxuta bħala wieħed mill-aċċeleraturi ewlenin tal-bidla soċjali u tal-bini ta' soċjetajiet inklużivi u reżiljenti;

F.

billi l-kultura u s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma mezz importanti fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija, u huma pjattaforma għal-libertà tal-espressjoni;

G.

billi l-pandemija żvelat il-valur soċjali reali għas-soċjetà Ewropea kif ukoll il-piż ekonomiku tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi; billi l-parti ekonomika tal-kultura hija settur strateġiku għall-Unjoni Ewropea u għall-ekonomija tagħha, u tiżgura impjiegi ta' valur għal miljuni ta' Ewropej u finanzjament sostenibbli għad-diversità Ewropea, filwaqt li tirrifletti l-valuri, l-istorja u l-libertajiet tagħna Ewropej;

H.

billi l-atturi kulturali u kreattivi Ewropej jippreservaw u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa u jipparteċipaw fit-tisħiħ ta' identità Ewropea fil-livelli kollha; billi dawn l-atturi jirrappreżentaw forza imprezzabbli għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u huma sors importanti ta' kompetittività globali;

I.

billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej jirrappreżentaw madwar 4 % tal-prodott domestiku gross Ewropew, livell simili għall-ICT u s-servizzi tal-akkomodazzjoni u tal-ikel; billi fl-2019 kien hemm 7,4 miljun ruħ f'impjieg kulturali fl-UE b'27 Stat Membru, li jammontaw għal 3,7 % tal-impjiegi totali fl-UE b'27 Stat Membru; billi fl-2019 il-proporzjon ta' persuni li kienu jaħdmu għal rashom fil-qasam tal-kultura fl-UE ta' 27 Membru kien aktar mid-doppju tal-medja osservata għall-ekonomija kollha kemm hi (5);

J.

billi skont l-istimi tal-Kummissjoni stess, is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi – li huma responsabbli għal EUR 509 biljun f'valur miżjud għall-PDG – x'aktarx li tilfu 80 % tal-fatturat tagħhom fit-tieni kwart tal-2020 b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-miżuri ta' konteniment;

K.

billi 'l fuq minn 300 000 ruħ fl-Ewropa huma impjegati fis-settur tal-wirt kulturali, filwaqt li 7,8 miljun impjieg fl-Ewropa huma marbuta indirettament miegħu; billi l-forza tax-xogħol kreattiva Ewropea fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi bħalissa hija sottorappreżentata mis-sistemi tal-istatistika;

L.

billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma interkonnessi mill-qrib u wrew bil-provi li huma ta' benefiċċju għal setturi oħra, bħat-turiżmu u t-trasport; billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, erbgħa minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi tal-offerta kulturali tagħha, u żewġ terzi tal-Ewropej jemmnu li l-preżenza tal-wirt kulturali għandha influwenza fuq l-għażla tagħhom ta' destinazzjoni għall-vaganzi; billi l-Ewropa tibqa' d-destinazzjoni turistika kulturali l-aktar popolari fid-dinja;

M.

billi x-xenarju kulturali divers tal-Ewropa qed isofri serjament mill-pandemija tal-COVID-19 u ħafna atturi fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi se jiġu rovinati mingħajr investiment u għajnuna pubbliċi; billi l-għeluq ta' dan is-settur kellu riperkussjonijiet fuq setturi oħra bħat-trasport u t-turiżmu u l-edukazzjoni;

N.

billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma settur atipiku, ibbażat fuq il-mudell ekonomiku speċifiku tagħhom, il-ħtiġijiet u d-daqsijiet tagħhom, iżda huma prinċipalment magħmula minn strutturi żgħar (SMEs, mikroorganizzazzjonijiet u dawk li jaħdmu għal rashom) bl-ebda aċċess jew bi ftit aċċess għas-swieq finanzjarji u spiss bi dħul irregolari u mħallat li ġej minn sorsi differenti, bħal sussidji pubbliċi, sponsorizzar privat, dħul ibbażat fuq l-udjenzi jew id-drittijiet tal-awtur;

O.

billi l-kriżi pandemika tal-COVID-19 enfasizzat ukoll il-vulnerabbiltajiet preeżistenti tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, inkluż l-għajxien prekarju tal-artisti u tal-ħaddiema fil-kultura, kif ukoll il-baġits stretti ta' ħafna istituzzjonijiet kulturali;

P.

billi l-konsegwenzi sħaħ tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi għadhom qed isiru evidenti, u l-impatt globali fuq terminu medju u twil għadu mhux magħruf; billi dan jaffettwa d-drittijiet soċjali tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, li għandhom id-dritt għal kumpens finanzjarju ġust għal xogħolhom, u l-protezzjoni ta' diversità ta' espressjonijiet kulturali;

Q.

billi l-kriżi tal-COVID-19 diġà għandha, u se jibqa' jkollha, effett negattiv dejjiemi fuq il-produzzjoni kulturali u kreattiva, id-diffużjoni u l-introjtu, u għaldaqstant fuq id-diversità kulturali Ewropea;

R.

billi t-teatri, it-teatri tal-opra, is-swali taċ-ċinema, is-swali tal-kunċerti, il-mużewijiet, is-siti ta' wirt storiku u postijiet ta' xogħol artistiku oħra kienu fost l-ewwel li ngħalqu minħabba l-miżuri ta' konteniment, u huma fost l-aħħar li reġgħu fetħu; billi ħafna avvenimenti kulturali u artistiċi bħall-fieri, il-festivals, il-kunċerti u l-ispettakli ġew ikkanċellati jew posposti għal żmien twil; billi l-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà imposti biex jipprevjenu tifqigħa ġdida ma jippermettux li postijiet ta' xogħol artistiku joperaw b'kapaċità sħiħa għall-futur qarib;

S.

billi, matul il-pandemija, peress li ħafna Ewropej sabu ruħhom f'sitwazzjoni ta' konfinament, il-kondiviżjoni ta' kontenut kulturali u kreattiv saret appoġġ għal ħafna ċittadini; billi l-opportunitajiet ta' aċċess għall-kontenut kulturali online mmultiplikaw u għamlu l-kontenut kulturali aktar aċċessibbli, u ħafna drabi mingħajr ħlas bis-saħħa tal-awturi, l-artisti, in-nies mid-dinja tal-ispettaklu u kreaturi oħra tal-arti; billi dan ikompli jnaqqas id-dħul tal-kreaturi tal-arti; billi d-disponibbiltà tal-kontenut kulturali online ma ssarrfitx f'żieda fl-introjtu tad-detenturi tad-drittijiet u tan-nies mid-dinja tal-ispettaklu;

T.

billi l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-infrastrutturi diġitali naqqsu d-drittijiet fundamentali tal-aċċess għall-kultura, id-dritt tal-parteċipazzjoni fil-kultura u d-dritt tal-espressjoni tal-arti;

U.

billi huwa ċar li l-proposti baġitarji suċċessivi għall-programm Ewropa Kreattiva taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss anki qabel il-COVID-19 ma jissodisfaw la l-aspettattivi tas-settur u lanqas dawk tal-Parlament, u dan tal-aħħar appella biex il-livell tal-finanzjament jiġi rduppjat meta mqabbel mal-QFP 2014-2020;

V.

billi l-proposta riveduta tal-Kummissjoni dwar il-QFP tippreżenta tnaqqis ta' 20 % għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tnaqqis ta' 13 % għal Ewropa Kreattiva u tnaqqis ta' 7 % għal Erasmus+, meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP tal-2018; billi l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew kif ifformulata fis-17 ta' Lulju 2020 hija allinjata biss mal-proposta tal-Kummissjoni tal-2018; billi Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm tal-UE li jipprovdi appoġġ dirett lis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa; billi la l-inizjattivi li suppost ikopri l-programm Ewropa Kreattiva u lanqas il-baġit tiegħu ma jipprovdu l-appoġġ meħtieġ minn programm li diġà jirċievi iktar talbiet milli jiflaħ u li huwa sottofinanzjat;

W.

billi l-pandemija tirrappreżenta opportunità biex inħarsu lejn il-futur tal-kultura b'mod ġdid, u billi l-ħolqien ta' ekosistema kulturali aktar reżiljenti jirrikjedi riflessjoni usa' dwar il-futur tal-pjaneta u l-urġenza li nirreaġixxu għall-kriżi klimatika;

X.

billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma vitali biex tinkiseb is-sostenibbiltà ambjentali; billi dawn iridu jibqgħu jiġu ffinanzjati b'mod xieraq u jiġu identifikati bħala investiment sikur sabiex ikunu lesti għat-tranżizzjoni lejn kontinent newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

1.

Jesprimi s-solidarjetà sinċiera tiegħu man-nies mid-dinja tal-ispettaklu, l-artisti, il-kreaturi tal-arti, l-awturi, il-pubblikaturi, il-kumpaniji tagħhom u l-kreaturi u l-ħaddiema fil-kultura l-oħra kollha, inklużi l-kreaturi dilettanti tal-arti, li kollha ġew affettwati serjament mill-pandemija tal-COVID-19, u jagħti ġieħ lill-azzjonijiet u s-solidarjetà tagħhom matul iż-żminijiet diffiċli li għaddew minnhom miljuni ta' Ewropej;

2.

Jissottolinja li l-irkupru wara l-pandemija u l-għoti ta' ħajja ġdida lill-politika kulturali Ewropea huma strettament marbuta mal-isfidi l-oħra li qed jiffaċċjaw l-Unjoni Ewropea u d-dinja, prinċipalment il-kriżi klimatika; jinsab konvint li l-politika futura dwar il-kultura għandha tkun interkonnessa sew mal-isfidi soċjali kif ukoll mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

3.

Iqis li huwa fundamentali li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jiġu allokati parti sinifikanti mill-miżuri ta' rkupru ekonomiku ppjanati mill-istituzzjonijiet Ewropej u li dan jiġi kkombinat ma' azzjonijiet mifruxa u rapidi favur il-forzi kulturali u kreattivi tal-Ewropa, u dan jippermettilhom ikomplu bil-ħidma tagħhom fix-xhur li ġejjin u li jissopravvivu dawn iż-żminijiet ta' kriżi, u joħolqu reżiljenza fis-settur; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fl-appoġġ tagħhom għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

4.

Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew fit-tfassil tal-pjan ta' rkupru “Next Generation EU”; jinsab allarmat, madankollu, mill-fatt li l-ebda ammont speċifiku ma ġie allokat b'mod ċar għall-benefiċċju dirett tal-industriji kulturali u kreattivi; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-atturi kulturali u kreattivi għandhom ikunu mira ċara tal-azzjonijiet iffukati tal-Istati Membri u għandhom jibbenefikaw b'mod wiesa' u bil-ħeffa mill-fondi ta' rkupru;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, mill-inqas 2 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ddedikata għall-irkupru; jenfasizza li dan il-perċentwal għandu jirrifletti l-importanza tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi għall-PDG tal-UE, meta jitqies li dawn jirrappreżentaw 7,8 miljun impjieg u 4 % tal-PDG; itenni l-ħtieġa għal programmazzjoni preċiża u pjanijiet finanzjarji mfassla biex jiżguraw il-kontinwità tan-negozju fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u li l-persuni attivi fil-qasam jingħataw prevedibbiltà;

6.

Jilqa' l-ħolqien ta' REACT-EU bħala pjan ta' azzjoni dirett bil-għan li jipprovdi finanzjament addizzjonali lir-reġjuni u s-setturi ekonomiċi affettwati ħafna; jilqa' l-fatt li l-kultura ġiet identifikata bħala settur importanti u affettwat; jinsab imħasseb, madankollu, li ma ttieħdet l-ebda miżura biex jiġi żgurat li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jibbenefikaw minn din l-inizjattiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi bħala setturi strateġiċi u prijorità taħt il-Pjan ta' Rkupru tal-UE u jidentifikaw baġit ċar assoċjat ma' azzjonijiet rapidi u konkreti ddedikati għall-irkupru ta' dawn l-atturi; dan għandu jkun ta' benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-artisti indipendenti, u jkun immirat mhux biss lejn l-irkupru ekonomiku tagħhom iżda wkoll lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

7.

Jikkritika l-fatt li l-programm Ewropa Kreattiva ma rċieva l-ebda finanzjament addizzjonali mill-fond Next Generation EU u jitlob li l-baġit globali tal-UE Kreattiva jiżdied għal EUR 2,8 biljun;

8.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli domestiċi soċjali, fiskali u ekonomiċi speċifiċi li normalment jiġu applikati għall-atturi tas-setturi kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jiġu estiżi matul u wara l-kriżi; jitlob li l-Istati Membri jinkludu l-SMEs li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru tal-SMEs li diġà implimentaw; jitlob li l-Istati Membri jikkunsidraw li joffru appoġġ finanzjarju lill-postijiet u l-avvenimenti kulturali hekk kif jimplimentaw miżuri ġodda ta' saħħa u sikurezza;

9.

Jappella għal aktar koordinazzjoni sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet konkreti li jistgħu jappoġġjaw is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi matul is-sitwazzjoni attwali u kwalunkwe tnedija mill-ġdid futura; jilqa' l-kampanji #saveEUculture u #double4culture tas-settur, kif ukoll l-isforz tal-Kummissjoni biex tippromwovi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi bil-kampanja #CreativeEuropeAtHome;

10.

Jinnota bi tħassib li x-xbieki ta' sikurezza soċjali spiss ma kinux aċċessibbli għall-professjonisti kreattivi f'forom ta' impjieg mhux standard; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-benefiċċji soċjali għall-professjonisti kreattivi kollha, inklużi dawk f'forom ta' impjieg mhux standard;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi u fl-industriji kulturali u kreattivi fil-livell tal-UE, li jkun jirrifletti l-ispeċifiċitajiet tas-settur u jintroduċi linji gwida u prinċipji bil-ħsieb li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għall-impjiegi transnazzjonali;

12.

Jinnota li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ikomplu jfixklu l-kooperazzjoni kulturali Ewropea u ħallew impatt serju fuq il-mobilità internazzjonali u t-turiżmu, li jirrappreżentaw sors ewlieni ta' dħul għall-atturi kulturali; jinnota li l-finanzjament għall-kooperazzjoni internazzjonali, it-turiżmu u l-koproduzzjoni spiss tnaqqas u ġie direzzjonat lejn fondi ta' emerġenza relatati mal-pandemija; jinsab imħasseb dwar l-effett detrimentali ta' dawn il-miżuri fuq il-kollaborazzjoni kulturali Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jillimitaw ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati tax-Schengen, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-Istati Membri għal turiżmu, avvenimenti kulturali live u attivitajiet kulturali transfruntiera sikuri;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-mobilità tal-artisti sabiex ikunu jistgħu jiskambjaw prattiki u tekniki, u b'mod sinifikanti jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jappoġġja bil-qawwa r-rikonoxximent reċiproku konkomitanti tal-kompetenzi artistiċi;

14.

Jilqa' l-ħolqien tal-istrument tal-UE għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE), li huwa maħsub biex jappoġġja l-miżuri ta' xogħol b'ħinijiet iqsar stabbiliti mill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom; iqis li dan l-istrument, peress li jkopri kemm jista' jkun atturi kulturali, inklużi awturi freelance, nies fid-dinja tal-ispettaklu, artisti u kreaturi tal-arti oħra, jista' jippermetti lill-atturi kulturali u kreattivi jibqgħu fil-qasam tal-attività tagħhom filwaqt li jikkumpensa għat-telf tad-dħul tagħhom u jiżgura li l-għarfien espert ma jintilifx; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri jipprovdu garanziji adegwati sabiex SURE jkun jista' jopera malajr u jkun disponibbli għall-entitajiet legali kollha, inklużi l-entitajiet mhux formali fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

15.

Huwa tal-fehma li l-pandemija attwali u l-impatt tagħha fuq l-ekonomiji tagħna m'għandhomx jintużaw bħala argument biex ikompli jitnaqqas l-infiq pubbliku nazzjonali jew Ewropew fuq il-kultura; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-programm Ewropa Kreattiva u s-sottoprogrammi MEDIA u Culture, kif ukoll il-fergħat transsettorjali tiegħu f'li jiġu żgurati kooperazzjoni Ewropea u grad ġust ta' stabbiltà fis-settur permezz tal-aċċess għall-finanzjament Ewropew b'tali mod li jippermetti lill-proġetti jiżviluppaw sħubijiet fuq terminu twil; jistieden lill-Kummissjoni tintegra s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi permezz tal-QFP; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Parlament talab irduppjar meħtieġ tal-baġit allokat għall-programm Ewropa Kreattiva għall-QFP li jmiss u jafferma mill-ġdid bil-qawwa l-pożizzjoni tiegħu fl-appoġġ tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi u l-ħaddiema tagħhom; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-programmi jiġu ffinalizzati u adottati malajr kemm jista' jkun sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-predeċessuri tagħhom; jenfasizza li, jekk il-bidu tal-perjodu ta' finanzjament il-ġdid jiddewwem, il-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura tranżizzjoni biex jitnaqqas id-distakk bejn il-programm Ewropa Kreattiva attwali u dak il-ġdid;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tikkomunika b'mod ċar firxa wiesgħa ta' sorsi ta' finanzjament imħallta li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi; jinsisti li l-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni futura ddedikata għall-industriji kulturali u kreattivi fi ħdan l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għandu jkollha rwol ewlieni f'dan il-kuntest; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-finanzjament ta' Orizzont Ewropa għas-setturi kulturali u kreattivi attivi fl-isperimentazzjoni kulturali, l-innovazzjoni u r-riċerka artistika; itenni l-ħtieġa għal sinerġiji li qed jikbru fil-livell Ewropew filwaqt li fl-istess ħin jiġu promossi soluzzjonijiet innovattivi u diġitali ġodda li jistgħu jgħinu lis-settur fiż-żminijiet attwali u lil hinn;

17.

Jirrikonoxxi l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fil-ħolqien, il-produzzjoni, it-tixrid u l-aċċessibbiltà ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tidentifika l-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet kulturali Ewropej u tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet għall-ħiliet u l-infrastruttura diġitali;

18.

Jinnota li l-maġġoranza tal-miżuri ta' appoġġ imfassla s'issa kienu bbażati fuq is-self, għażla li mhijiex sostenibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha fl-ekosistemi kulturali; jitlob appoġġ imdaqqas u primarju bbażat fuq l-għotjiet għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi sabiex jiġi żgurat l-għajxien tal-komunitajiet lokali;

19.

Jilqa' l-miżuri ġodda ta' appoġġ taħt il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (CCS GF), li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess għal finanzjament tad-dejn affordabbli għall-SMEs fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi; jissottolinja l-ħtieġa għaliha li tkun disponibbli b'mod aktar wiesa', filwaqt li tkopri l-Istati Membri u r-reġjuni u l-SMEs ta' kull daqs; jitlob li tiġi infurzata l-introduzzjoni tas-CCS GF taħt InvestEU, fejn toffri aktar flessibbiltà għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-SMEs fil-qasam kulturali u kreattiv jibbenefikaw minn aktar appoġġ f'termini ta' finanzjament tad-dejn permezz tal-istrumenti futuri tal-faċilità ta' garanzija taħt il-Programm InvestEU 2021-2027;

21.

Jiddispjaċih li ma sar l-ebda żvilupp ulterjuri biex jippermetti l-aċċess għal riżorsi finanzjarji għal NGOs u organizzazzjonijiet iżgħar; jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrieżaminaw il-kriterji u l-politiki attwali tagħhom f'termini ta' garanzija, speċjalment għal dawk l-SMEs li għandhom profili ta' riskju ogħla b'aċċess baxx jew mingħajr aċċess għas-swieq finanzjarji u li jiġġeneraw assi intanġibbli;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittaffi l-impatt, li kull ma jmur dejjem qed jiżdied, tal-kriżi fuq is-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, fi żmien meta l-kanċellazzjoni kontinwa ta' festivals u avvenimenti kulturali qed ikollha konsegwenzi finanzjarji diżastrużi, b'mod partikolari għas-settur tal-mużika u tal-arti tal-ispettaklu kif ukoll għall-artisti indipendenti; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti pjattaformi diġitali Ewropej iddedikati għall-arti tal-ispettaklu sabiex jikkondividu kemm jista' jkun kontenut kulturali u prodotti kreattivi Ewropej; jitlob li tali pjattaformi jitfasslu b'kunsiderazzjoni tar-remunerazzjoni ġusta tal-artisti, il-kreaturi tal-arti u l-kumpaniji; jitlob li jkun involut b'mod aktar qawwi fl-identifikazzjoni flimkien mal-atturi rilevanti tas-soluzzjonijiet għall-appoġġ tal-attivitajiet u speċjalment l-artisti u l-kreaturi tal-arti affettwati mill-kanċellazzjoni ta' festivals u avvenimenti kulturali ewlenin;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika jekk il-metodi ta' distribuzzjoni finanzjarja nazzjonali għall-finanzjament kulturali humiex aċċessibbli għall-kreaturi tal-arti kollha, u jekk l-allokazzjoni hijiex indipendenti, ħielsa u ġusta; jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi aħjar sabiex tipprovdi fluss affidabbli u kostanti ta' data relatata mas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi;

24.

Ifakkar lill-Istati Membri li jistgħu jintużaw miżuri oħra biex jgħinu lis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi jirkupraw mill-kriżi, bħal rati mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti u s-servizzi kulturali kollha, valutazzjoni aħjar tal-assi intanġibbli u krediti tat-taxxa għall-produzzjoni kulturali;

25.

Jirrimarka li t-turiżmu jirrappreżenta 10,3 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea, li 40 % minnu huwa marbut mal-offerta kulturali; iqis li l-irkupru gradwali tat-turiżmu huwa opportunità biex jiġu promossi b'mod attiv il-kultura u l-wirt Ewropew filwaqt li jitqiegħdu s-sisien għal turiżmu Ewropew sostenibbli; jitlob, f'dan ir-rigward, it-tnedija ta' programm annwali għall-ħolqien tal-valur tal-wirt u kulturali Ewropew li jirrifletti d-diversità kulturali Ewropea; jitlob li l-fondi strutturali jinkludu, kemm jista' jkun, il-preservazzjoni kulturali u l-kreazzjoni artistika fil-proġetti li jappoġġjaw; jenfasizza l-valur miżjud importanti tat-turiżmu storiku u kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu politika integrata sabiex jappoġġjaw il-qawmien mill-ġdid ta' dan is-settur;

26.

Iqis li għandna naħtfu din l-opportunità biex nippromwovu l-kontenut kulturali Ewropew madwar id-dinja billi nħeġġu l-produzzjoni Ewropea u niżviluppaw networks tax-xandir Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri sabiex il-leġiżlazzjoni rilevanti tkun tista' tiġi trasposta kemm jista' jkun mingħajr xkiel, bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (6), id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali (7) u d-Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable (8); jissottolinja l-potenzjal tal-industrija tal-films u l-vidjows u jitlob li jkun hemm sħubija pan-Ewropea mfassla biex tappoġġja lill-kreaturi tal-arti Ewropej f'dan il-qasam; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' dawk id-direttivi u l-proposti leġiżlattivi li ġejjin iridu jippreservaw u jippromwovu mekkaniżmi kollettivi biex jiżguraw protezzjoni adegwata tal-kreaturi tal-arti individwali;

27.

Jirrikonoxxi l-istat dgħajjef tal-ekosistema tal-midja u l-istat ħażin tal-midja tal-aħbarijiet lokali u reġjonali kif ukoll dawk li joperaw fi swieq iżgħar; iqis li peress li midja ħielsa, indipendenti u ffinanzjata biżżejjed hija wkoll antidotu għat-tixrid u l-effikaċja tad-diżinformazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġiji fuq terminu medju u twil f'dan ir-rigward, inklużi inizjattivi speċifiċi biex jappoġġjaw il-midja lokali u reġjonali u dawk li joperaw fi swieq żgħar; jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta' fond tal-midja tal-aħbarijiet ibbażat fuq il-prinċipju ta' distakkament; jappoġġja l-proposti li jmiss tal-Kummissjoni għal pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, speċjalment ir-regoli ġodda u riveduti tiegħu dwar il-pjattaformi online u r-reklamar online; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni lill-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja, li spiss tnaqqas il-pluralità u d-diversità tal-aħbarijiet u jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq is-suq tal-informazzjoni; jappoġġja l-Pjan ta' Azzjoni għall-Midja u l-Awdjoviżiv ippjanat u l-objettivi ddikjarati tiegħu li tiżdied il-kompetittività u li tingħata għajnuna lit-trasformazzjoni diġitali tas-settur;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni artistika, li hija vitali għall-kultivazzjoni tad-demokrazija u l-irkupru b'saħħtu tas-soċjetajiet mill-kriżi bla preċedent; jissottolinja l-importanza tal-finanzjament Ewropew għall-promozzjoni u ż-żamma tal-libertajiet u d-diversità kulturali u tal-midja; iqis li s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi huma fost l-aktar setturi dinamiċi tal-ekonomija, li għandhom jippromwovu b'mod sostanzjali l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jistgħu jaġixxu bħala katalist b'saħħtu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ġusta;

29.

Jissottolinja l-potenzjal tad-diversità kulturali fis-sensibilizzazzjoni globali tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, u jappella għal approċċ ibbilanċjat li jintegra firxa wiesgħa ta' atturi minn reġjuni differenti u ta' daqsijiet differenti; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni għal evalwazzjoni xierqa tal-programmi eżistenti u tal-azzjonijiet tal-UE bħaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, u biex tintegra evalwazzjoni finanzjarja li tippermetti komunikazzjoni aħjar dwar il-wirt u r-rotot kulturali, sabiex iċ-ċittadini jkun jista' jkollhom aċċess għal fehim aħjar tal-azzjonijiet tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi politika ambizzjuża u inklużiva ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni għall-kultura fl-Ewropa, li tippermetti li l-kontenut, l-avvenimenti u l-postijiet kulturali Ewropej igawdu minn firxa verament Ewropea u globali;

30.

Huwa tal-fehma li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jassistu lill-atturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa għandhom jappoġġjaw atturi u inizjattivi li jirriflettu d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa, inklużi l-lingwi minoritarji u l-lingwi ż-żgħar;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Kapitali Ewropej tal-Kultura f'li jidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi u tgħinhom jillimitaw, kemm jista' jkun, it-tfixkil ikkawżat mill-pandemija, b'mod partikolari ma' dawk il-bliet li għandhom it-titolu fl-2020 u fl-2021, permezz ta' djalogu fil-fond mal-organizzaturi; jenfasizza l-importanza ta' aktar mekkaniżmi ta' appoġġ u soluzzjonijiet finanzjarji disponibbli għalihom; itenni l-fatt li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali saru bidliet lill-kalendarju tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura, u jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jevalwaw il-possibbiltà li jittawwal il-perjodu għall-bliet organizzaturi li ġejjin;

32.

Jappella għal aktar sforzi biex jiġi sfruttat il-momentum tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali b'tali mod li niżviluppawh f'legat politiku dejjiemi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar integrat lejn il-wirt kulturali, li jittratta l-patrimonju tanġibbli, intanġibbli, naturali u diġitali bħala interkonness u inseparabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita pjattaforma permanenti, bis-soċjetà ċivili organizzata fil-qalba tagħha, għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar il-politiki ta' wirt kulturali fil-livell tal-UE; jitlob ukoll qafas komprensiv għall-wirt kulturali diġitali, li jiffoka b'mod partikolari fuq l-isforzi għad-diġitizzazzjoni tal-wirt eżistenti u l-aċċessibbiltà mifruxa tal-materjal kulturali diġitalizzat; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza tal-interoperabbiltà u l-istandards; jitlob li ssir reviżjoni bir-reqqa tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (9);

33.

Jissottolinja li matul il-lockdown ħafna siti ta' wirt kulturali tħallew mingħajr superviżjoni u mingħajr manutenzjoni xierqa, li wassal għall-ħsara lil dawn is-siti, li diġà huma suxxettibbli għad-degradazzjoni ambjentali, id-diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-iskavar illegali jew it-traffikar illeċitu. jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-impjiegi fis-settur tal-wirt kulturali, li jiġu appoġġjati l-professjonisti tar-restawr u l-esperti tal-wirt, u li jiġu mgħammra bl-għodod li għandhom bżonn biex jipproteġu s-siti ta' wirt Ewropew;

34.

Iqis li d-dimensjoni kulturali jeħtieġ li tifforma parti mid-djalogu maċ-ċittadini, b'mod partikolari matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa;

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0169.

(4)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(5)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Culture_statistics_-_cultural_employment#Self-employment

(6)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.

(7)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.

(8)  ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15.

(9)  ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/159


P9_TA(2020)0240

COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona Schengen u s-suq uniku (2020/2780(RSP))

(2021/C 385/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll l-Artikoli 4, 6, 9, 21, 67, 114, 153, 169 u 191 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 35 u 45 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (1) (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (2) (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu), u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minqux fiha,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali (3) u li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19” (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2020 dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (COM(2020)0399),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (8),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2020 dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19 (COM(2020)0318),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2020 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0499),

wara li kkunsidra r-rapport l-aktar riċenti dwar it-theddid mill-mard li jittieħed (CDTR) taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-linji gwida tas-saħħa pubblika u l-protokolli ta' rapportar tal-ECDC dwar il-COVID-19,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, mill-perspettiva tal-ġestjoni tar-riskji, il-pandemija tal-COVID-19 għaddiet mill-fażi akuta għall-fażi kronika; billi jidher probabbli li l-virus se jibqa' attiv sakemm jinstab vaċċin effikaċi u sikur u jiġi fornut fi kwantitajiet kbar biżżejjed biex tiġi żgurata protezzjoni xierqa f'parti kbira ħafna tal-popolazzjoni globali; billi dan ifisser li se nkomplu ngħixu f'ċirkostanzi diffiċli għal mill-inqas diversi xhur oħra;

B.

billi l-prevalenza, l-intensità taċ-ċirkolazzjoni u d-durata taċ-ċirkolazzjoni tal-COVID-19 ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u minn reġjun għal ieħor fl-istess Stat Membru;

C.

billi diversi vaċċini jinsabu fi stadji avvanzati ta' ttestjar, iżda s'issa ma tlestiet il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-UE ta' ebda vaċċin;

D.

billi l-istaġun ta' kull sena tal-influwenza x'aktarx li jżid l-għadd ta' nies b'sintomi ħfief li għandhom jiġu ttestjati;

E.

billi l-kapaċità tal-ittestjar f'xi Stati Membri għadha mhijiex biżżejjed; billi xi drabi n-nies ikollhom jistennew ħafna ġranet biex jingħataw ir-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19 tagħhom; billi dan jaffettwa b'mod sinifikanti l-kapaċità tagħhom li jaħdmu u jivvjaġġaw;

F.

billi xi Stati Membri qed jirrifjutaw li jirrikonoxxu testijiet tal-COVID-19 li jkunu saru fi Stat Membru ieħor; billi tali nuqqas ta' fiduċja qed jikkomplika ħafna l-ħajja tan-nies;

G.

billi l-approċċi differenti li ntużaw fl-UE għall-ġbir ta' data relatata mal-COVID-19 jagħmluha diffiċli li d-data titqabbel;

H.

billi għad m'hemm ebda metodoloġija armonizzata għall-ġbir u l-evalwazzjoni tal-għadd ta' persuni infettati u lanqas metodoloġija armonizzata rigward is-“semafori” tal-COVID-19; billi minħabba dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni, id-data dwar persuni infettati spiss tiġi interpretata b'mod differenti ħafna fl-Istati Membri, u dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni indebita kontra ċittadini minn Stati Membri oħra;

I.

billi r-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19 s'issa wera nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-UE f'termini ta' koordinazzjoni tal-miżuri tas-saħħa pubblika, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tan-nies fi ħdan il-fruntieri u bejn il-fruntieri;

J.

billi biż-żieda reċenti ta' każijiet ġodda ta' COVID-19 madwar l-UE, l-Istati Membri reġgħu ħadu miżuri differenti u mhux koordinati dwar il-moviment liberu għall-persuni li jivvjaġġaw minn pajjiżi oħra tal-UE, u f'xi każijiet għalqu l-fruntieri tagħhom; billi kull Stat Membru uża l-miżuri nazzjonali proprji mingħajr koordinazzjoni fil-livell tal-UE, inklużi l-kwarantina obbligatorja jew rakkomandata (fejn inħtieġu perjodi differenti ta' kwarantina), testijiet negattivi ta' reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) mal-wasla b'perjodi differenti ta' validità massima, l-użu ta' formoli nazzjonali differenti ta' lokalizzazzjoni tal-vjaġġaturi, l-użu ta' kriterji differenti għad-definizzjoni ta' żoni ta' riskju u rekwiżiti differenti fir-rigward tal-użu tal-maskri;

K.

billi ħafna Ewropej ġew soġġetti għal regoli differenti mhux biss skont in-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tagħhom, iżda anke skont fejn ikunu vvjaġġaw; billi dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni matul il-perjodu tas-sajf wassal għal kontrolli u miżuri diżorganizzati fil-fruntieri, kif ukoll fl-ajruporti u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija;

L.

billi l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatti kbar fuq is-saħħa u, f'ħafna każijiet, konsegwenzi negattivi sinifikanti ħafna għad-drittijiet fundamentali u għall-iskambji ekonomiċi, xjentifiċi, soċjali, turistiċi u kulturali;

M.

billi l-għoti tal-kura tas-saħħa huwa, fuq kollox, kompetenza nazzjonali, iżda s-saħħa pubblika hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni;

N.

billi għad hemm lok biex l-Unjoni Ewropea twettaq aħjar il-politika tas-saħħa pubblika fil-parametri eżistenti tat-Trattati; billi d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa pubblika previsti mit-Trattati għadhom sostanzjalment mhux utilizzati biżżejjed f'termini tal-impenji li jistgħu jitwettqu permezz tagħhom; billi l-appell tal-Parlament għall-ħolqien ta' Unjoni tas-Saħħa Ewropea, kif imfisser fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020, għandu jittenna f'dan ir-rigward;

O.

billi t-theddid transfruntier jista' jiġi indirizzat biss b'mod konġunt u għalhekk jirrikjedi kooperazzjoni u solidarjetà fi ħdan l-Unjoni u approċċ Ewropew komuni;

P.

billi sa mill-bidu tat-tixrid usa' tal-COVID-19 fl-UE, il-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri koordinati dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija u s-servizzi fis-suq intern; billi l-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi huma tlieta mill-pilastri essenzjali tal-erba' libertajiet, li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

Q.

billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri, inkluża l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kif minquxa fid-dritt tal-Unjoni; billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jew mill-Unjoni għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; billi dawn il-miżuri għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati, temporanji u b'kamp ta' applikazzjoni limitat;

R.

billi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex għażla iżda obbligu previst mit-Trattati u parti mill-valuri Ewropej tagħna;

S.

billi r-restrizzjonijiet skoordinati fuq il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-UE qed jifframmentaw b'mod qawwi s-suq intern;

T.

billi l-Kummissjoni diġà ħadet diversi inizjattivi biex ittejjeb il-koordinazzjoni, bħall-adozzjoni ta' linji gwida, komunikazzjonijiet, ittri amministrattivi u proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19;

U.

billi l-Kunsill għandu jappoġġja din ir-rakkomandazzjoni u jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Istati Membri jikkoordinaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom fi sforz biex iwaqqfu jew jillimitaw it-tixrid tal-virus;

V.

billi huwa importanti ferm li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ biex il-prinċipju tal-moviment liberu u l-funzjonament tas-suq intern jitħarsu bħala tnejn mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea, u prerekwiżit fundamentali għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19;

W.

billi r-restrizzjonijiet diverġenti fuq l-ivvjaġġar wasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjiriet ta' ħafna ċittadini, li għadhom ma ġewx rimborżati għalihom;

X.

billi l-Parlament, bħala koleġiżlatur u l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-UE, irid jiġi inkluż bħala parti integrali u essenzjali tad-diskussjonijiet kollha dwar il-koordinazzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata din il-kriżi tas-saħħa;

Y.

billi jidher li l-Istati Membri ma tgħallmux il-lezzjonijiet misluta mill-bidu tal-kriżi; billi m'hemm l-ebda politika tas-saħħa komuni Ewropea, iżda hemm biss għadd kbir ta' politiki nazzjonali;

Z.

billi l-UE teħtieġ li tippjana bil-quddiem biex tiffaċċja l-kontinwazzjoni possibbli tal-pandemija tal-COVID-19 u/jew kriżijiet oħrajn possibbli simili fin-natura tagħhom;

1.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatti tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi fit-tul tagħha fuq il-benessri tan-nies madwar id-dinja, b'mod partikolari fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni anzjani u dawk li diġà qed ibatu minn problemi ta' saħħa;

2.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19 f'diversi Stati Membri minn Ġunju 'l hawn u jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa ta' ġestjoni tas-saħħa kondiviża u kkoordinata biex din il-pandemija tiġi miġġielda b'mod effikaċi;

3.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li ċ-ċittadini jkollhom rashom mistrieħa rigward il-konsistenza tal-miżuri meħuda minn Stat Membru għal ieħor, u dan jgħin biex iċ-ċittadini jiġu persważi jaderixxu ma' dawn il-miżuri;

4.

Ifakkar li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni huwa dritt fundamentali stabbilit fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

5.

Jissottolinja li dan id-dritt jista' jiġi ristrett biss għal raġunijiet speċifiċi u limitati ta' interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-politika pubblika u s-sigurtà pubblika; jinsisti li tali restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni;

6.

Jirrimarka li l-kontrolli fil-fruntieri interni huma miżura tal-aħħar istanza u jfakkar li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk miżuri oħra jistgħux ikunu ugwalment jew aktar adatti biex jintlaħaq l-istess objettiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħrfu l-possibbiltà li jimponu kontrolli minimi tas-saħħa u/jew kontrolli proporzjonati min-naħa tal-pulizija bħala alternattiva aħjar għall-introduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri interni u jadottaw biss miżuri li jkunu strettament neċessarji, koordinati u proporzjonati;

7.

Iqis li hu essenzjali li l-fruntieri interni tal-UE jinżammu miftuħin għall-merkanzija u s-servizzi fi ħdan l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea, peress li l-għeluq tal-fruntieri interni jista' jkollu effetti negattivi fuq is-suq intern; jirrimarka li huwa essenzjali li jkun hemm impenn għall-adozzjoni ta' miżuri komuni li jerġgħu jibnu l-fiduċja bejn l-Istati Membri sabiex jerġa' jibda l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi fis-suq intern;

8.

Itenni l-appell urġenti tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isegwu kooperazzjoni dedikata, strutturata u effikaċi f'dan il-kuntest, sabiex jiddefinixxu u jantiċipaw il-ħtieġa ta' miżuri komuni;

9.

Jirrimarka li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għadu jenfasizza li hemm disparitajiet fil-ġbir u r-rapportar tad-data mill-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni ma jħalliniex ikollna stampa ċara u sħiħa tat-tixrid tal-virus fl-Ewropa f'kull mument;

10.

Jenfasizza li l-ECDC qed jagħmel xogħol imprezzabbli u għandu jingħata aktar riżorsi immedjatament, inkluż aktar persunal permanenti, biex ikompli l-ħidma tiegħu dwar il-COVID-19 filwaqt li jkun jista' jkompli u jerġa' jibda l-ħidma tiegħu fuq mard ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mandat rivedut għall-ECDC biex jiżdiedu b'mod sinifikanti l-baġit fit-tul, il-persunal u l-kompetenzi tiegħu, sabiex ikun jista' jipprovdi protezzjoni tas-saħħa pubblika fost l-aqwa fid-dinja f'kull mument, inkluż matul l-epidemiji;

11.

Jinnota li kull Stat Membru qed isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-kunsill xjentifiku tiegħu stess b'koordinazzjoni limitata ħafna mal-Istati Membri l-oħra jew mal-Kummissjoni;

12.

Iqis li l-ECDC għandu jkun kapaċi jevalwa b'mod adegwat u effikaċi r-riskju tat-tixrid tal-virus u jippubblika mappa tar-riskju li tiġi aġġornata kull ġimgħa, abbażi ta' kodiċi kromatiku komuni, stabbilita skont l-informazzjoni miġbura u pprovduta mill-Istati Membri;

13.

Jappoġġa l-kodiċi kromatiku proposta mill-Kummissjoni fil-proposta reċenti tagħha għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill; iqis li l-kategorizzazzjoni ssuġġerita (aħdar, oranġjo, aħmar u griż) se tiffaċilita l-moviment fl-UE u se tagħti liċ-ċittadini informazzjoni aktar trasparenti;

14.

Iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, jadotta u jimplimenta malajr il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19; jinsisti li qafas komuni bħal dan huwa kruċjali biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-suq intern, mhux l-inqas billi jiġu stabbiliti regoli ċari għall-vjaġġaturi li jwettqu funzjonijiet essenzjali, bħall-ħaddiema tat-trasport, il-fornituri ta' servizzi transfruntiera bħall-kura tas-saħħa u tal-anzjani, u l-ħaddiema staġjonali;

15.

Jissottolinja li l-metodoloġija u l-kriterji komuni adottati u l-mapep żviluppati mill-ECDC għandhom jiffaċilitaw approċċ ikkoordinat rigward il-proċessi deċiżjonali proprji tal-Istati Membri, u jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri tkun konsistenti u kkoordinata tajjeb;

16.

Jirrikonoxxi l-importanza tar-rati kumulattivi ta' inċidenza u tar-rati ta' pożittività tat-testijiet fl-evalwazzjoni tat-tixrid tal-virus, iżda jqis li kriterji oħrajn bħar-rati ta' pazjenti li jiddaħħlu l-isptar u r-rati ta' okkupanza tal-unitajiet tal-kura intensiva għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi metodoloġija komuni għall-ġbir ta' data dwar is-saħħa u għall-għadd u r-rapportar tan-numru ta' mwiet;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-istess definizzjoni għal każ pożittiv ta' COVID-19, għal mewt bil-COVID-19 u għall-irkupru mill-infezzjoni;

19.

Jissottolinja li definizzjonijiet, kriterji tas-saħħa u metodoloġiji komuni jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu analiżi komuni tar-riskju epidemjoloġiku fil-livell tal-UE;

20.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-approċċ reġjonali ssuġġerit mill-Kummissjoni; iqis li l-immappjar tar-riskju tal-ECDC għandu jsir fil-livell reġjonali u mhux biss fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jittrażmettu lill-ECDC id-data miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi reġjonali;

21.

Ifakkar li l-ECDC irrakkomanda li l-Istati Membri jsegwu miżuri bażiċi minimi biex jevitaw it-tixrid tal-virus, bħal miżuri ta' iġjene, tbegħid fiżiku u limitazzjoni tal-ammont ta' nies miġburin f'daqqa, l-użu ta' maskri f'ambjenti speċifiċi, arranġamenti ta' telexogħol, ittestjar estensiv, l-iżolament ta' każijiet, il-kwarantina ta' persuni li jkunu ġew f'kuntatt ma' persuni infettati u l-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli;

22.

Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-ECDC imsemmija hawn fuq u jiddefinixxu qafas komuni ta' miżuri tas-saħħa li l-awtoritajiet pubbliċi fiż-żoni affettwati għandhom jadottaw sabiex iwaqqfu t-tixrid tal-pandemija;

23.

Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkunsidraw u jikkondividu miżuri addizzjonali jekk ir-rata ta' trażmissjoni tiżdied, inklużi interventi li jillimitaw il-moviment tal-popolazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' kuntatti għal kull persuna u jipprojbixxu l-avvenimenti tal-massa, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni b'riskju għoli;

24.

Iqis li qafas bħal dan isaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn iż-żoni affettwati, u jevita li jkun hemm miżuri restrittivi ta' reazzjoni;

25.

Jirrimarka li l-ekonomija u l-ħajjiet ta' kuljum tan-nies li jgħixu fir-reġjuni transfruntiera ġew affettwati b'mod negattiv mill-għeluq tal-fruntieri u li diversi Stati Membri introduċew eżenzjonijiet u adattamenti speċifiċi tar-regoli għal dawn ir-reġjuni; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntieri, fejn l-ivvjaġġar transfruntier huwa komuni, u jinsistu fuq il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali f'dawn l-oqsma, jistabbilixxu mekkaniżmi tas-saħħa konġunti għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni f'ħin reali u jintroduċu l-hekk imsejħa korsiji ħodor għall-ħaddiema essenzjali;

26.

Jappella għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija komuni ta' ttestjar li fil-qafas tagħha r-riżultati tat-testijiet jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha u jiġu pprovduti kapaċitajiet ta' ttestjar adegwati biex jiġi żgurat li kull min jeħtieġ jagħmel test ikun jista' jagħmel dan mingħajr ħinijiet ta' stennija sproporzjonati; iqis li l-ittestjar għal skopijiet ta' vjaġġar, fejn meħtieġ, għandu preferibbilment isir fil-pajjiż tal-oriġini; iqis ukoll li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ifasslu lista tal-awtoritajiet li jkollhom l-awtorità li joħorġu ċertifikat tal-ittestjar għal dawn il-finijiet, sabiex dan il-proċess jiġi ssalvagwardat mill-abbuż;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECDC jevalwaw il-possibbiltà li jagħmlu użu mit-testijiet ta' 15-il minuta, li huma affidabbli iżda mhux għaljin;

28.

Ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żviluppaw apps għat-traċċar tal-COVID-19 bl-użu tal-istess arkitettura deċentralizzata; jistenna li l-interoperabbiltà ta' dawn l-apps tinkiseb fil-livell tal-UE sa Ottubru, sabiex ikun jista' jsir traċċar tal-COVID-19 fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jużaw dawn l-apps, u jagħmlu dan f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

29.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, filwaqt li jikkunsidraw l-opinjoni tal-ECDC, jaqblu dwar perjodu ta' kwarantina komuni fir-rigward tal-ivvjaġġar essenzjali u mhux essenzjali bejn il-pajjiżi tal-UE, u l-ivvjaġġar essenzjali u mhux essenzjali lejn l-UE minn pajjiżi terzi;

30.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw protokoll komuni għall-monitoraġġ tal-pazjenti asintomatiċi, għal miżuri rigward l-iżolament tal-pazjenti li jkunu ħarġu pożittivi għall-COVID-19, kif ukoll għal miżuri ta' iżolament għall-persuni li jkunu ġew f'kuntatt ma' dawk il-pazjenti;

31.

Jilqa' l-użu tal-formoli għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri min-naħa taċ-ċittadini; iqis li għandha tingħata prijorità lill-użu ta' verżjoni armonizzata tal-formola ta' informazzjoni għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar, u li din għandha tiġi pprovduta f'format analoġiku biex jiġi żgurat aċċess għall-Ewropej kollha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa formola armonizzata għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri bil-għan li tinħoloq fiduċja f'sistema ta' monitoraġġ applikabbli fl-UE kollha;

32.

Jinsisti li kwalunkwe miżura li tillimita l-privatezza u l-protezzjoni tad-data tagħna trid tkun legali, effikaċi fl-indirizzar tar-riskju għall-ħajja u s-saħħa pubblika, strettament proporzjonata u użata biss għal skopijiet ta' saħħa pubblika, u soġġetta għal limiti ta' żmien stretti; jisħaq li l-inizjattivi ta' emerġenza m'għandhomx iwasslu għal sorveljanza tal-massa wara li tgħaddi l-kriżi u jitlob garanziji f'dan ir-rigward;

33.

Jinsisti li l-formola għal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u l-użu tagħha trid tkun konsistenti bis-sħiħ mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, partikolarment l-integrità u l-kunfidenzjalità; jinsisti li d-data rreġistrata għandha tintuża biss għat-traċċar tal-kuntatti tal-COVID-19 u għall-ebda skop ieħor, bi qbil mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġġornaw il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom skont il-bżonn;

34.

Itenni l-appell li għamel lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 biex tipproponi l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons Sanitarju (EHRM) biex tirrispondi għat-tipi kollha ta' kriżijiet tas-saħħa, issaħħaħ il-koordinazzjoni operattiva fil-livell tal-UE u timmonitorja l-kostituzzjoni u l-iskattar tar-riżerva strateġika tal-mediċini u tat-tagħmir mediku u tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha; jenfasizza li l-EHRM għandu jifformalizza l-metodi ta' ħidma stabbiliti waqt il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, filwaqt li jibni fuq il-miżuri previsti fid-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, id-Deċiżjoni dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa (10) u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

35.

Jitlob li tiġi stabbilita task force tal-COVID-19 immexxija mill-Kummissjoni fil-qafas tal-EHRM; iqis li kull Stat Membru għandu jkun rappreżentat f'din it-task force u għandu jaħtar punt ta' kuntatt mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu; jipproponi li l-objettiv ewlieni ta' din it-task force għandu jkun li xxerred regolarment ir-rakkomandazzjonijiet trażmessi fil-livell Ewropew u nazzjonali; iqis li l-Parlament għandu jkollu mandat ta' evalwazzjoni permanenti biex jivvaluta x-xogħol ta' din it-task force;

36.

Ifakkar li l-għoti ta' informazzjoni ċara, f'waqtha u komprensiva lill-pubbliku huwa kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta' kwalunkwe restrizzjoni fis-seħħ fuq il-moviment liberu, u biex jiġu żgurati l-prevedibbiltà, iċ-ċertezza tad-dritt u l-konformità min-naħa taċ-ċittadini;

37.

Jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni ċara, aċċessibbli u li tinftiehem dwar in-numri ta' infezzjonijiet, is-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-miżuri fis-seħħ u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li din l-informazzjoni kruċjali jeħtieġ li tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u fil-lingwi użati minn partijiet sinifikanti tal-popolazzjoni biex jiġu inklużi l-persuni li jkunu ġejjin minn kuntest migratorju;

38.

Jenfasizza li l-informazzjoni kollha trid tkun tista' tinftiehem faċilment mill-popolazzjoni kollha, inkluż minn persuni b'livelli ta' litteriżmu baxxi, bl-użu ta' kuluri ċari u armonizzati u simboli li jinftiehmu f'informazzjoni pubblika, u jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll f'format analoġiku f'postijiet xierqa biex ikunu inklużi persuni li m'għandhomx aċċess għall-internet jew li għandhom aċċess limitat;

39.

Jistieden lill-kumpaniji tal-ajru jirrimborżaw lill-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija mill-aktar fis possibbli, u jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 261/2004; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-passiġġieri matul din il-pandemija;

40.

Ifakkar li waqt il-pandemija tal-COVID-19, diversi setturi kritiċi, bħalma huma s-setturi tal-ikel, il-farmaċewtika u s-saħħa, u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, esperjenzaw tfixkil enormi;

41.

Jissottolinja l-ħtieġa ta' suq intern effikaċi, reżiljenti u li jibqa' validu fil-futur fejn il-prodotti u s-servizzi essenzjali għaċ-ċittadini jibqgħu jitwasslu madwar l-UE u jkunu disponibbli għaċ-ċittadini kollha;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, flimkien mal-Istati Membri, analiżi komprensiva u transsettorjali tal-ekonomiji fi ħdan l-UE, sabiex tifhem il-kobor tal-impatti kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, u biex tivvaluta kemm ġew imħarbta l-ktajjen tal-valur transfruntiera; iqis li din tikkostitwixxi bażi ta' evidenza essenzjali sabiex il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet aġġornati u tiddetermina l-politiki ewlenin li se jkunu qed isaħħu, fi ħdan is-suq uniku, irkupru kollettiv fuq terminu twil li ma jħalli lil ħadd lura;

43.

Itenni li, għall-ħajja ta' kuljum tan-nies, huwa kruċjali li l-konsenja ta' prodotti essenzjali bħal ikel, tagħmir mediku jew tagħmir protettiv tibqa' għaddejja fl-UE kollha fi kwalunkwe mument; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal direttiva mtejba dwar l-infrastruttura kritika biex jiġi żgurat il-moviment liberu kontinwu ta' prodotti u servizzi essenzjali fi ħdan is-suq intern fi żminijiet ta' kriżi bħal pandemija;

44.

Iqis li għandha tiġi żviluppata strateġija komprensiva f'dan ir-rigward sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fi kwalunkwe mument u jiġu evitati miżuri restrittivi unilaterali, filwaqt li jitqiesu l-miżuri tas-sigurtà u s-saħħa pubblika, u jitħeġġeġ l-irkupru ekonomiku sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq intern u nkunu ppreparati f'każ ta' kriżi ġdida;

45.

Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-appell tal-Kummissjoni lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jieħdu miżuri nazzjonali li jipprojbixxu l-esportazzjoni intra-UE ta' tagħmir protettiv personali, strumenti mediċi jew prodotti farmaċewtiċi importanti oħra;

46.

Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru r-riżorsi tagħhom flimkien, inklużi l-kapaċitajiet ta' manifattura, biex jiġi żgurat li tiġi ssodisfata ż-żieda fid-domanda fl-UE għal tagħmir protettiv personali, ventilaturi u tagħmir mediku ieħor, provvisti tal-laboratorji u prodotti ta' sanitizzazzjoni, li jgħin ukoll biex jissaħħu r-riżervi tal-ħażna strateġika tar-rescEU;

47.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-qafas attwali tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku sabiex jimmassimizzaw il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-flessibbiltà għal akkwist aktar sempliċi, aktar rapidu u aktar flessibbli, u jirrimarka l-importanza tal-akkwist konġunt ta' mediċini, tagħmir mediku u tagħmir protettiv personali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom fir-reġjuni kollha, inklużi ż-żoni rurali u r-reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi;

48.

Ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 kixfet dgħufijiet fil-protezzjoni tal-konsumaturi minħabba l-proliferazzjoni ta' skemi qarrieqa u prodotti mhux sikuri, partikolarment online; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet u li jiġi żgurat li s-suq uniku diġitali jkun ġust u sikur għal kulħadd permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid billi l-pjattaformi online jiġu mġiegħla jieħdu azzjoni xierqa kontra prodotti bħal dawn;

49.

Jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġ ikunu infurmati sew dwar drittijiethom u dwar l-għażliet li jkollhom meta jixtru prodotti jew servizzi, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jipprovdu informazzjoni affidabbli u adegwata b'mod li tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi fl-Unjoni kollha;

50.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri ta' Next Generation EU mill-aktar fis possibbli billi l-proċeduri nazzjonali neċessarji jagħmluhom sempliċi kemm jista' jkun u mingħajr burokrazija żejda biex jiġi żgurat li l-irkupru ekonomiku tal-UE jkun effikaċi fl-indirizzar tal-aktar kriżi profonda li l-UE ffaċċjat f'dawn l-aħħar żminijiet; jissottolinja li l-kriżi tal-COVID-19 m'għandhiex tintuża bħala skuża biex tiġi posposta, imdgħajfa jew abolita l-implimentazzjoni ta' diversi standards tal-prodotti u tal-industrija, inklużi dawk imfassla biex jippromwovu s-sostenibbiltà, iżda minflok għandha tittieħed bħala opportunità biex is-suq uniku jittejjeb b'mod li jippromwovi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli;

51.

Iqis li ritorn rapidu għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ huwa ta' importanza fundamentali, u jistieden b'urġenza lill-Istati Membri jiddiskutu, flimkien mal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, Pjan ta' Rkupru għal Schengen, inklużi l-modi u l-mezzi kif iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona bis-sħiħ mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u pjanijiet ta' kontinġenza, mill-aktar fis possibbli, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru semipermanenti fuq perjodu medju ta' żmien;

52.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkompletaw l-integrazzjoni tal-Istati Membri kollha fiż-żona Schengen, u jappella biex miżuri koordinati u armonizzati japplikaw b'mod ugwali fl-Unjoni kollha u jkunu ta' benefiċċju ugwali għaċ-ċittadini kollha li jirrisjedu fiha;

53.

Ifakkar li ġew introdotti restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar għall-vjaġġi mhux essenzjali kollha lejn iż-żona Schengen; jissottolinja li d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-rifjut ta' dħul fil-fruntieri esterni jeħtieġ li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali b'mod partikolari, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tiegħu;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jimmonitorjaw is-suq matul u wara l-kriżi b'mod proattiv sabiex tiġi evitata l-ħsara lill-konsumaturi b'rabta mas-sitwazzjoni tal-COVID-19 u jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

55.

Jissottolinja li kwalunkwe miżura restrittiva imposta b'riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 mill-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun, minnha nfisha, limitata fiż-żmien, billi l-unika ġustifikazzjoni tagħha tkun li taffronta l-pandemija; jistenna li l-Kummissjoni toqgħod attenta li l-miżuri temporanji ma jsirux ostakli permanenti inġustifikati għall-moviment liberu ta' prodotti, servizzi u persuni fi ħdan is-suq intern;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għal “Ewropa reżiljenti”, li tikkonsisti f'mappa ta' valutazzjoni tar-riskji u għażliet li jindirizzaw ġestjoni tajba, investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u risponsi għall-pandemija fil-livell tal-UE, inklużi ktajjen ta' provvista reżiljenti fl-UE, u b'hekk tiżgura l-produzzjoni ta' prodotti kruċjali bħal ingredjenti farmaċewtiċi, mediċini u tagħmir mediku;

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

(2)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(3)  ĠU C 86 I, 16.3.2020, p. 1.

(4)  ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 12.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(6)  ĠU C 169, 15.5.2020, p. 30.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0175.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0205.

(9)  ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.

(10)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/167


P9_TA(2020)0241

L-importanza tal-infrastruttura urbana u ekoloġika – Is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 (2019/2805(RSP))

(2021/C 385/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-Infrastruttura Ekoloġika – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (4),

wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (COM(2011)0244),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Infrastruttura Ekoloġika (5),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunital-24 ta' Mejju 2019 dwar “Rieżaminazzjoni tal-progress f'rabta mal-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-infrastruttura ekoloġika tal-UE” (COM(2019)0236)

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Mejju 2013 dwar “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa” (COM(2013)0249),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-infrastruttura ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa” (6),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Ottubru 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-infrastruttura ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (7)”,

wara li kkunsidra l-mistoqsija tad-19 ta' Settembru 2013 lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar l-Infrastruttura Ekoloġika (IE) (O-000094/2013 – B7-0525/2013),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali;

wara li kkunsidra l-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa (8),

wara li kkunsidra l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija (9),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-importanza tal-infrastruttura urbana u ekoloġika – Is-sena Ewropea tal-Bliet aktar Ekoloġiċi 2022 (O-000039/2020 – B9-0014/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-infrastruttura ekoloġika hija mifhuma li hija network ta' żoni naturali u seminaturali ppjanati b'mod strateġiku, li jinkludi karatteristiċi ambjentali mfassla u mmaniġġjata biex jipprovdu firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema, li jinkorporaw spazji mħaddra (jew blu fil-każ tal-ekosistemi akkwatiċi) u karatteristiċi fiżiċi oħra f'żoni fuq l-art (inkluż kostali) jew fil-baħar f'ambjent rurali kif ukoll urban;

B.

billi 72 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix fi bliet, kbar jew żgħar, u f'subborgi, u l-perċentwal tal-popolazzjoni urbana qed ikompli jikber u jista' jilħaq it-80 % fl-2020 (10); billi dawn iċ-ċifri juru li qed tiżdied l-importanza ta' bliet aktar ekoloġiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi kbar li qed tħabbat wiċċha magħhom il-pjaneta tagħna, u li dawn għandhom aktar potenzjal bħala ċentri essenzjali kemm għall-implimentazzjoni ta' aġendi globali kif ukoll għall-involviment taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet ta' politika;

C.

billi l-bliet qed jiffaċċjaw għadd ta' sfidi, li jvarjaw mill-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tar-residenti tagħhom sa tħassib ambjentali, u billi l-infrastruttura ekoloġika għandha potenzjal kbir li toffri soluzzjonijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali li huma bbażati fuq in-natura għal ħafna minn dawn il-problemi, li huma ġeneralment irħas u sostenibbli filwaqt li joħolqu l-impjiegi;

D.

billi huwa importanti li jiżdied l-għarfien dwar l-infrastruttura ekoloġika u l-ħafna impatti pożittivi tagħha fuq l-ekosistemi u s-servizzi li jipprovdu lill-popolazzjonijiet, sabiex jiġu promossi aħjar is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fl-art u fl-ippjanar territorjali u l-ħolqien u l-riġenerazzjoni ta' spazji mħaddra, biex tiġi aċċellerata l-bidla lejn mudell tal-infrastruttura aktar ekoloġiku fl-ippjanar urban u fl-iżvilupp territorjali u l-ibliet ikunu jistgħu jadattaw aħjar għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;

E.

billi l-infrastruttura ekoloġika tipprovdi servizzi tal-ekosistema li huma kruċjali għall-benesseri tagħna, il-produzzjoni tal-ikel urban, iċ-ċirkolazzjoni u ż-żamma tal-ilma, iżżid l-infiltrazzjoni u tnaqqas it-tniġġis permezz ta' proċessi naturali, tirregola t-temperatura, tappoġġja l-bijodiversità (inkluż id-dakkir), ittejjeb iċ-ċikli tan-nutrijenti, issebbaħ iż-żoni residenzjali, tiffaċilita l-eżerċizzju fiżiku għar-residenti u ttejeb il-benesseri tar-residenti;

F.

billi l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-iżvilupp tan-network Natura 2000 f'żoni urbani, ittejjeb il-konnettività bejn il-kurituri ekoloġiċi ħodor jew blu, ittejjeb il-konservazzjoni ta' speċijiet u ħabitats li huma essenzjali għall-ekosistema, u tgħin fil-kontinwità tal-provvista tas-servizzi tal-ekosistema f'żoni urbani. billi l-benefiċċji annwali tas-servizzi tal-ekosistemi pprovduti min-network Natura 2000 ġew stmati għal EUR 300 biljun madwar l-UE, bil-benefiċċji tal-infrastruttura ekoloġika jiswew ħafna iktar minn hekk;

G.

billi l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet jinvolvi aktar milli sempliċiment jiġu implimentati inizjattivi għat-tħaddir tal-ibliet minħabba l-importanza li jkollna arja, ilma u ħamrija nodfa u pajsaġġ li jippromwovi l-bijodiversità, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ispazji mħaddra;

H.

billi l-infrastruttura ekoloġika hija parti kruċjali mill-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 u mill-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030;

I.

billi l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-klima peress li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi għat-tibdil fil-klima, u tgħin biex jitnaqqas l-ammont ta' CO2 fl-atmosfera permezz tas-sekwestru dirett tal-karbonju, speċjalment f'żoni torbiera, oċeani u foresti; billi tgħin ukoll biex jitnaqqas l-ippumpjar u t-trattament tal-ilma u tal-ilma mormi u fid-domanda assoċjata għall-enerġija, u biex jitnaqqas l-użu u l-emissjonijiet tal-enerġija fil-bini bis-saħħa ta' “bini intelliġenti” li jkollu elementi ekoloġiċi bħal soqfa u ħitan imħaddra u materjali ġodda li jżidu l-effiċjenza tar-riżorsi; billi l-infrastruttura ekoloġika tgħin ukoll biex titnaqqas id-domanda tal-enerġija u t-tniġġiż marbut mat-trasport billi tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' forom ta' trasport alternattivi u nodfa bħar-rota, il-mixi u trasport pubbliku nadif, inkluż it-trasport fuq l-ilma;

J.

billi l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-adattament tal-klima permezz tal-protezzjoni tal-kapital naturali, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ispeċijiet, għal titjib fl-istatus ekoloġiku, il-ġestjoni ta' korpi tal-ilma u s-sikurezza tal-ikel; billi l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika hija fost l-aktar miżuri effettivi għall-adattament għat-tibdil fil-klima li jistgħu jittieħdu fi bliet, billi ttaffi l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u l-fenomeni meteoroloġiċi dejjem aktar estremi, bħal perjodi ta' sħana kbira, nirien forestali, ammonti estremi ta' xita, għargħar u nixfa, u r-regolazzjoni tat-temperaturi estremi biex b'hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f'żoni urbani;

K.

billi aktar minn 22 % tal-ispeċijiet Ewropej jinsabu mhedda bl-estinzjoni skont il-Lista l-Ħamra tal-IUCN ta' speċijiet mhedda; billi l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tgħin biex tiġi promossa l-bijodiversità u jista' jkollha rwol importanti biex ittaffi l-kriżi tal-bijodiversità; billi l-promozzjoni tal-bijodiversità fil-bliet tista' ġġib benefiċċji kollaterali billi żżid ir-reżiljenza tal-ekosistemi u żżid il-potenzjal tal-assorbiment tal-karbonju;

L.

billi l-ippjanar urban tajjeb, il-ħamrija miżrugħa u l-uċuħ permeabbli huma aħjar biex jinżamm l-ilma, tiġi ġestita t-tnixxija, tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija u biex jiġi miġġieled l-iskular urban milli huma l-asfalt u l-konkos; billi infrastruttura ekoloġika ta' kwalità għolja tnaqqas ir-riskju ta' għargħar;

M.

billi infrastruttura ekoloġika mfassla tajjeb hija waħda mill-aħjar modi biex tiżdied il-kwantità ta' kurituri ekoloġiċi ħodor jew blu, u b'dan il-mod tiġi protetta l-bijodiversità;

N.

billi l-pjanti jippurifikaw l-arja meta jiffiltraw partiċelli żgħar u jipproduċu l-ossiġenu; billi l-kwalità tal-arja fil-bliet tagħna saret waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa li qed tiffaċċja l-UE llum; billi arja aktar nadifa ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' miljuni ta' persuni, inklużi dawk li jbatu mill-ażma u minn mard respiratorju; billi kull sena fl-UE, 430 000 persuna jmutu qabel iż-żmien minħabba li jieħdu n-nifs minn arja mniġġsa, billi t-titjib tal-kwalità tal-arja għandu jkun prijorità għall-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, biex il-persuni u l-ekosistemi jiġu protetti mill-impatt tat-tniġġis tal-arja; billi t-titjib fil-kwalità tal-arja jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' mwiet prematuri;

O.

billi l-użu ta' siġar u veġetazzjoni jista' jnaqqas it-tniġġis akustiku fiż-żoni urbani; billi l-istorbju huwa t-tieni l-akbar kawża ambjentali ta' problemi tas-saħħa, wara l-kwalità tal-arja; billi l-proġett ta' riċerka HOSANNA ffinanzjat mill-UE wera li t-tarka akustika naturali tal-pjanti tipproteġi aħjar lir-residenti mill-istorbju tat-traffiku milli l-barrieri akustiċi dritti li jintużaw normalment; billi l-bijodiversità u n-natura huma affettwati b'mod negattiv mit-tniġġis akustiku u l-inizjattivi tal-ekoloġizzazzjoni tal-bliet għandhom jinkludu inizjattivi biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku;

P.

billi l-infrastruttura ekoloġika għandha tiġi promossa wkoll fi bliet kostali, li ħafna drabi jinsabu ħdejn artijiet mistagħdra, biex jiġu ppreservati l-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta, u jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija kostali, it-turiżmu u l-pajsaġġ u żviluppi pożittivi li jżidu r-reżiljenza aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima f'dawn iż-żoni vulnerabbli li huma affettwati b'mod partikolari miż-żieda fil-livell tal-baħar;

Q.

billi l-infrastruttura ekoloġika għandha tiġi promossa f'żoni tal-portijiet, peress li dawn huma parti importanti tal-bliet kostali u normalment ikopru territorji vasti ta' art, li huma wkoll parti min-network Natura 2000; billi permezz ta' dan jistgħu jiġu indirizzati aħjar kwistjonijiet ambjentali bħat-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità, u tiġi xprunata l-promozzjoni ta' żvilupp ta' infrastrutturi ġodda bħall-elettrifikazzjoni tal-portijiet;

R.

billi l-infrastruttura ekoloġika toffri aċċess għan-natura lil persuni li kieku jkollhom inqas kuntatt magħha – bħat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità – u tikkontribwixxi għall-edukazzjoni u l-għarfien tagħhom dwar in-natura u l-isfidi ekoloġiċi;

S.

billi bliet aktar ekoloġiċi jistgħu joffru benefiċċji notevoli għas-saħħa, għax itejbu l-kwalità tal-arja, iħeġġu lir-residenti jiċċaqalqu u jagħmlu aktar eżerċizzju fiżiku, jgħinu fil-prevenzjoni u l-kura tad-depressjoni, itejbu s-sistema immunitarja u fuq kollox iżidu l-kuntentizza u l-benesseri (11);

T.

billi numru akbar ta' parks u ġonna urbani, toroq imħaddrin, soqfa mħaddra fuq il-binjiet, bus stops miksija b'veġetazzjoni u żoni tal-bandli b'aktar ħdura, fost azzjonijiet oħra, jagħmlu l-akkwati u l-bliet aktar attraenti u komdi; billi dawn iżidu wkoll il-kuntatti soċjali bejn ir-residenti, jinkoraġġixxu bidliet pożittivi fl-imġiba u joħolqu sens aktar b'saħħtu ta' komunità; billi l-ispazji mħaddra b'sjieda pubblika jistgħu jġibu benefiċċji inkalkulabbli għall-abitanti tal-bliet;

U.

billi kif diġà ntwera, akkwati b'aktar ħdura jżidu l-valur ekonomiku tal-proprjetajiet peress li jagħmlu lil dawn iż-żoni aktar mixtieqa fost ix-xerrejja potenzjali, u għaldaqstant huwa essenzjali li jittieħdu miżuri biex tittaffa l-ġentrifikazzjoni u jkun żgurat l-aċċess ekwu għal akkwati b'aktar ħdura;

V.

billi l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tista' tiffaċilita l-produzzjoni aktar sostenibbli tal-ikel fuq skala żgħira, u tnaqqas l-impronta tal-ikel billi ssaħħaħ il-ktajjeb tal-provista qosra, u għaldaqstant tippermetti l-ħolqien ta' mikronegozji ġodda u tħeġġeġ lir-residenti jsiru attivi f'dan il-qasam u jifhmu aħjar il-katina alimentari, speċjalment il-biedja organika u sostenibbli għall-ambjent;

W.

billi 80 % tal-iskart li jinsab fil-baħar ġej mill-bliet, inkluż skart upstream minn baċini tax-xmajjar, billi huwa importanti li s-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart f'żoni urbani tittejjeb, speċjalment l-immaniġġjar tat-tniġġis diffuż, l-iskart u l-makroskart, pereżempju billi tissaħħaħ il-filtrazzjoni fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi, biex il-bliet isiru aktar ekoloġiċi u jiġi indirizzat it-tniġġis tal-oċeani;

X.

billi ċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu involuti u jħossu li jistgħu jipparteċipaw fl-ippjanar urban u t-tfassil tal-infrastruttura ekoloġika, fid-dawl tal-karatteristiċi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi lokali;

Y.

billi l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika jimxi id f'id mal-ġestjoni sostenibbli tiegħu, speċjalment fir-rigward tar-riżorsi tal-ilma; billi huwa importanti li l-infrastruttura ekoloġika ħadra u blu tintrabat b'mod ambjentalment responsabbli, u tinkludi l-użu mill-ġdid tal-ilma u tal-ilma tax-xita flimkien mal-ġestjoni tajba tal-ilma;

Z.

billi s-servizzi tal-ekosistema pprovduti mis-siġar isiru ħafna aktar importanti aktar ma jgħaddi ż-żmien, billi l-ġestjoni u l-ippjanar sani u integrati ta' żoni urbani huma essenzjali sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-iżvilupp tagħhom, u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal u s-servizzi tal-infrastruttura ekoloġika;

1.

Jirrikonoxxi l-kontribut li jistgħu jagħtu l-bliet aktar ekoloġiċi biex jinkisbu l-għanijiet li ġew stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' reżiljenza u adattament tal-UE għat-tibdil fil-klima; jissottolinja r-rwol importanti li l-bliet aktar ekoloġiċi jista' jkollhom biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-NU u biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Aġenda Urbana Ġdida, b'mod partikolari biex jittejbu l-użu tar-riżorsi tal-ilma u l-bijodiversità fl-ambjent urban;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija tal-UE ġdida għal bliet b'aktar ħdura u infrastruttura ekoloġika biex tgħin lill-bliet jagħtu sehemhom fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll biex itejbu l-benesseri tan-nies li jgħixu fil-bliet;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri fi ħdan il-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tindirizza speċifikament ir-rwol tal-bliet u tippromwovi l-investiment fl-infrastruttura ekoloġika;

4.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi integrata b'mod effikaċi l-perspettiva klimatika u ambjentali fit-tfassil tal-politiki urbani fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u globali;

5.

Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi adottata strateġija ta' adattament għal bliet esposti għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima abbażi ta' approċċ ta' ekosistema ġdid u innovattiv biex jiġi evitat u mmaniġġjat ir-riskju, b'mod partikolari billi jiġu identifikati żoni fejn l-ilma jiġi rtirat, żoni fejn l-għargħar jiġu assorbiti, żoni bi protezzjoni naturali u f'każijiet fejn ikun essenzjali, żoni li jkunu jeħtieġu protezzjoni artifiċjali;

6.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jfasslu pjanijiet ta' azzjoni u jimpenjaw ruħhom b'mod attiv f'attivitajiet maħsuba biex jippromwovu u jmantnu l-ekoloġizzazzjoni ta' żoni urbani f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili;

7.

Jirrikonoxxi l-importanza kbira ta' spazji pubbliċi mħaddra għall-benesseri fiżiku u mentali tal-abitanti urbani, b'mod partikolari fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19; jappella lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jipproteġu u jippromwovu l-ispazji urbani mħaddra, itejbu l-kwalità tagħhom, u jiżguraw li r-residenti tagħhom ikollhom aċċess faċli għall-ispazji mħaddra pubbliċi fil-lokalitajiet tagħhom;

8.

Jinsisti li l-potenzjal tal-bliet li jgħinu fil-protezzjoni tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema qed jiġi sottovalutat; ifakkar li t-titjib tal-bijodiversità, tas-servizzi tal-ekosistema u tal-infrastruttura ekoloġika urbana fil-bliet u ż-żoni periurbani jtejjeb is-saħħa tal-bniedem; ifakkar li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-inkorporazzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tal-bijodiversità flimkien mal-funzjonijiet tal-ekosistema fit-tfassil, fil-politika u fl-ippjanar urban jista' jkollhom rwol importanti fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-bliet u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu dawn il-prattiki;

9.

Jilqa' l-fatt li l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, tinkludi enfasi qawwija fuq l-ekoloġizzazzjoni ta' żoni urbani u periurbani u ż-żieda tal-bijodiversità fi spazji urbani; jilqa' b'mod partikolari l-Pjanijiet il-ġodda dwar l-Ekoloġizzazzjoni Urbana u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-bliet Ewropej ikunu ambizzjużi ħafna fil-ħolqien ta' dawn il-pjanijiet u li jiġu implimentati b'mod effettiv; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu wkoll l-ekoloġizzazzjoni f'żoni urbani b'popolazzjonijiet ta' inqas minn 20 000;

10.

Jipproponi li s-sena 2022 tingħażel bħala s-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi;

11.

Jipproponi li l-għanijiet tas-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 ikunu li:

a.

titqajjem sensibilizzazzjoni tal-benefiċċji ta' spazji mħaddra fl-ambjent mibni; jiġu introdotti inizjattivi biex tiżdied il-provvista ta' spazji mħaddra, inkluż qrib żoni residenzjali;

b.

tiżdied il-kwantità u l-kwalità tar-riċerka u l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet ġodda f'diversi oqsma ta' għarfien espert biex jinħoloq valur miżjud aktar ekoloġiku u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-bliet; jingħata appoġġ immirat għad-diġitalizzazzjoni sostenibbli fl-UE u għaldaqstant għan-negozji ġodda u l-innovazzjonijiet diġitali; jiżdied l-aġġornament ta' proġetti tal-infrastruttura ekoloġika;

c.

l-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini jiġu mħeġġa jieħdu azzjoni u jtejbu l-akkwati u l-ambjent urban tagħhom, billi jaħdmu flimkien u jaġixxu bħala komunità biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom u tingħata sura ġdida lill-futur tal-bliet tagħhom; jiżdied l-involviment taċ-ċittadini f'azzjonijiet u teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent u l-ħajja inġenerali tal-belt;

d.

tinħoloq kultura ta' apprezzament tal-ispazji mħaddra u tal-infrastruttura ekoloġika ħadra u blu; jitħeġġeġ l-iżvilupp urban li jirrispetta l-ħtieġa għal spazji mħaddra bħala aspett importanti tal-kwalità tal-ħajja fil-bliet;

e.

jiġi promoss l-użu ta' materjali u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-klima permezz tal-akkwist pubbliku;

f.

jiżdied in-numru ta' proġetti ta' infrastruttura ekoloġika; titkompla l-Istrateġija tal-UE dwar l-Infrastruttura Ekoloġika u jiżdiedu r-riżorsi għaliha;

g.

issir konnessjoni bejn l-inizjattivi eżistenti u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, kif inhu previst f'diversi inizjattivi u strateġiji, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-ippjanar urban, l-urbaniżmu u l-infrastruttura sostenibbli, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, l-arkitettura ekoloġika, enerġija aktar nadifa, il-mobilità tal-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti, il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma u l-ġestjoni sostenibbli u ċirkulari tal-iskart abbażi tal-ġerarkija tal-iskart, li għandha l-għan li tikseb il-mira ta' żero skart u tnaqqas l-iskart għall-minimu permezz tal-użu massimu tar-riċiklaġġ;

h.

jinħoloq pjan direzzjonali għall-ekoloġizzazzjoni tal-bliet Ewropej u għall-manutenzjoni ta' spazji mħaddra sal-2030, li jkun ibbażat fuq il-prinċipju tal-urbaniżmu ekoloġiku bħala mezz biex jitħeġġu r-rabtiet armonjużi bejn l-ambjent rurali u dak urban, biex jiġu rikonoxxuti l-interdipendenza tagħhom u l-ħtieġa ta' relazzjoni bidirezzjonali;

i.

jitwettqu attivitajiet edukattivi mmirati lejn diversi riċevituri b'kontenut adattat għall-grupp fil-mira, b'mod partikolari t-tfal;

j.

jiġu mħeġġa inizjattivi biex jitnaqqas it-traffiku urban u li jippromwovu u jinvestu fit-trasport pubbliku;

k.

jiġi eliminat gradwalment l-użu ta’ pestiċidi u ta’ erbiċidi f'żoni urbani biex jiġu protetti r-residenti u l-bijodiversità urbana;

l.

tiġi żgurata l-akbar parteċipazzjoni possibbli ta' NGOs ambjentali fl-attivitajiet ta' protezzjoni ambjentali u edukazzjoni;

m.

jiżdiedu b'mod sinifikanti s-soqfa urbani u t-tħaddir tal-faċċati biex jitjiebu l-klima urbana, il-kwalità tal-arja u l-insulazzjoni;

n.

jingħata appoġġ lill-ġardinaġġ urban u jiġi salvagwardjat u żviluppat l-għoti ta' żoni għat-tħaddir kif ukoll faċilitajiet ta' ġardinaġġ fl-iskejjel urbani madwar l-UE, billi dawn huma pilastru importanti tal-edukazzjoni ambjentali tat-tfal;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex ittejjeb il-kwalità tal-arja fil-bliet, b'mod partikolari billi tnaqqas it-tniġġis tal-emissjonijiet permezz ta' soluzzjonijiet ġodda ta' mobilità urbana li jiffavorixxu għażliet ta' trasport pubbliku aktar effiċjenti u ambjentalment sostenibbli.

13.

Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-possibilità ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-ekoloġizzazzjoni taż-żoni urbani u l-manutenzjoni ta' żoni mħaddra, permezz tal-involviment tagħhom fil-fażijiet tal-ippjanar territorjali u l-implimentazzjoni sostenibbli kif xieraq, sabiex jinkisbu soluzzjonijiet ta' ppjanar urban sostenibbli, jinkiseb sens ta' sjieda tal-azzjonijiet rilevanti u jkollna bliet soċjalment inklużivi, reżiljenti u b'emissjonijiet baxxi li jkunu attraenti għaċ-ċittadini tagħhom; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jafu kif jistgħu jikkontribwixxu għall-ekoloġizzazzjoni tal-bliet tagħhom, jieħdu ħsieb l-ispazji mħaddra u jittrasformawhom f'ambjenti aktar tajbin għas-saħħa; jinkoraġġixxi lill-muniċipalitajiet u lir-reġjuni jappoġġjaw kemm jista' jkun l-inizjattivi ekoloġiċi ppreżentati miċ-ċittadini u jiżviluppaw proġetti ta' sponsorizzazzjoni għal żoni miftuħa; iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet u r-reġjuni biex jadottaw u jimplimentaw inizjattivi ambizzjużi għal bliet ekoloġiċi;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja miżuri ambizzjużi biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp urban sostenibbli u għall-infrastruttura ekoloġika, bħal sħubijiet ta' innovazzjoni u skemi ta' akkwist pubbliku konġunt bejn il-bliet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin biex titjieb is-setgħa kollettiva tal-bliet biex jinstabu soluzzjonijiet effiċjenti malajr; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-parteċipazzjoni tas-settur privat permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati, programm aktar ambizzjuż tal-Bank Ewropew tal-Investiment u inċentivi għall-SMEs, li jista' jkollhom rwol kruċjali fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli innovattivi.

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

(2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(3)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.

(4)  ĠU C 468, 15.12.2016, p. 190.

(5)  Kif tiddeskrivi l-Kummissjoni fl-Istrateġija tal-UE għall-Infrastruttura Ekoloġika: http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/strategy/index_en.htm

(6)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 43.

(7)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 153.

(8)  https://ec.europa.eu/environment/europeangreencapital/index_en.htm

(9)  https://www.patttassindki.eu/

(10)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Analysing and managing urban growth, (L-analiżi u l-indirizzar tat-tkabbir urban) l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Copenhagen, 2019, https://www.eea.europa.eu/articles/analysing-and-managing-urban-growth

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea, Urban Green Spaces Increase Happiness (L-Ispazji Ekoloġiċi Urbani Jġibu l-Kuntettizza), il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, http://ec.europa.eu/environment/europeangreencapital/space-increase-happiness/


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta, 15 ta’ Settembru 2020

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/173


P9_TA(2020)0207

Ħatra tal-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra tal-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0041/2020 – C9-0276/2020 – 2020/0906(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 385/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-27 ta' Awwissu 2020 (C9-0276/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0152/2020),

A.

billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, wara proċedura tal-għażla miftuħa, ippropona li jaħtar lil Klaus Löber bħala l-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP, b'konformità mal-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

B.

billi, fit-2 ta' Settembru 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Klaus Löber, li fiha hu għamel stqarrija preliminari u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Klaus Löber bħala l-President tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2019)0211.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/174


P9_TA(2020)0208

Ħatra ta' Membru Indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0042/2020 – C9-0277/2020 – 2020/0907(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 385/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-27 ta' Awwissu 2020 (C9-0277/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (3),,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0151/2020),

A.

billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, wara proċedura tal-għażla miftuħa, ippropona li jaħtar lil Nicoletta Giusto bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP, b'konformità mal-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

B.

billi, fit-2 ta' Settembru 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Nicoletta Giusto, li fiha hi għamlet stqarrija preliminari u mbagħad wieġbet għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Nicoletta Giusto bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2019)0211.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/175


P9_TA(2020)0209

Ħatra ta' Membru Indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-AETS

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (N9-0042/2020 – C9-0278/2020 – 2020/0908(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 385/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-27 ta' Awwissu 2020 (C9-0278/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0153/2020),

A.

billi, fis-27 ta' Awwissu 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, wara proċedura ta' selezzjoni miftuħa, ippropona li jaħtar lil Froukelien Wendt bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP, b'konformità mal-Artikolu 24a(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

B.

billi, fit-2 ta' Settembru 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Froukelien Wendt, li fiha għamlet stqarrija preliminari u mbagħad wieġbet il-mistoqsijiet li sarulha mill-membri tal-Kumitat;

1.

Jagħti l-approvazzjoni għall-ħatra ta' Froukelien Wendt bħala membru indipendenti tal-Kumitat Superviżorju tas-CCP tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2019)0211.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2020)0017.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/176


P9_TA(2020)0210

Rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta' Madeira u tal-Azores *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi prodotti fir-reġjuni awtonomi ta' Madeira u tal-Azores (COM(2020)0240 – C9-0190/2020 – 2020/0118(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

(2021/C 385/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0240),

wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0190/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A9-0140/2020),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

L-Erbgħa, 16 ta’ Settembru 2020

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/177


P9_TA(2020)0214

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: tariffi imposti mill-ESMA lil CCP ta' pajjiżi terzi

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lil kontropartijiet ċentrali stabbiliti f'pajjiżi terzi (C(2020)4891 – 2020/2720(DEA))

(2021/C 385/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)4891),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tat-2 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 25d(3) u 82(6) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fil-15 ta' Settembru 2020,

A.

billi diversi atti delegati li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (EMIR), li ġie emendat reċentement, jispeċifikaw kif ir-regoli tal-EMIR se japplikaw għal kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta' pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi lil ditti tal-Unjoni; billi dawk l-atti delegati se jagħtu effett lis-setgħat imsaħħa tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); billi s-CCPs ta' pajjiżi terzi li jitqiesu bħala sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha, għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi u superviżjoni msaħħa mill-ESMA sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mas-CCPs tal-Unjoni u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;

B.

billi l-Artikolu 25d jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni ħalli tadotta att delegat li jispeċifika aktar dettalji rigward it-tariffi li l-ESMA għandha titlob mingħand is-CCPs ta' pajjiżi terzi sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha mġarrba għar-rikonoxximent u t-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward ta' CCPs ta' pajjiżi terzi;

C.

billi dan ir-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex jiżgura li s-CCPs ta' pajjiżi terzi jikkontribwixxu b'mod adegwat għall-finanzjament tal-ESMA fil-ħin u b'mod xieraq;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/178


P9_TA(2020)0215

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: kriterji biex tiddetermina l-importanza sistematika ta’ CCP ta’ pajjiż terz

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju tal-2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji li l-ESMA jenħtieġ li tqis biex tiddetermina jekk kontroparti ċentrali stabbilita f'pajjiż terz hijiex sistemikament importanti jew aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (C(2020)4892 – 2020/2726(DEA))

(2021/C 385/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)4892),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 2 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 25(2) u 82(6) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fil-15 ta’ Settembru 2020,

A.

billi diversi atti delegati li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (EMIR) li ġie emendat reċentement jispeċifikaw il-mod kif ir-regoli tal-EMIR se japplikaw għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta' pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi lil ditti tal-Unjoni; billi dawk l-atti delegati se jagħtu effett lis-setgħat imsaħħa tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); billi is-CCPs ta' pajjiżi terzi li jitqiesu bħala sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi u superviżjoni msaħħa mill-ESMA sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mas-CCPs tal-Unjoni u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;

B.

billi l-Artikolu 25(2a) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat li jispeċifika aktar il-kriterji li jridu jiġu applikati mill-ESMA meta tkun qed tiddeċiedi jekk CCP ta' pajjiż terz hijiex sistemikament importanti jew jekk aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha.

C.

billi dan ir-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex tiġi żgurata t-tħejjija tal-Unjoni meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika fir-Renju Unit wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/179


P9_TA(2020)0216

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: elementi minimi għall-valutazzjoni tal-konformità komparabbli u l-modalitajiet tas-CCP ta’ pajjiż terz

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elementi minimi li għandhom jiġu vvalutati mill-ESMA meta tivvaluta t-talbiet ta' CCPs ta' pajjiżi terzi għal konformità komparabbli u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' din il-valutazzjoni (C(2020)4895 – 2020/2729(DEA))

(2021/C 385/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2020)4895),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2020, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data tat-2 ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 25a(3) u 82(6) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

wara li kkunsidra li ma saret ebda oġġezzjoni fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fil-15 ta' Settembru 2020,

A.

billi diversi atti delegati li għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (EMIR) li ġie emendat reċentement jispeċifikaw il-mod kif ir-regoli tal-EMIR se japplikaw għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta' pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi lil ditti tal-Unjoni; billi dawk l-atti delegati se jagħtu effett lis-setgħat imsaħħa tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA); billi s-CCPs ta' pajjiżi terzi li jitqiesu bħala sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi u superviżjoni msaħħa mill-ESMA sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mas-CCPs tal-Unjoni u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;

B.

billi l-Artikolu 25a jipprevedi li CCP ta' pajjiż terz li titqies sistemikament importanti jew li x'aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (CCP tal-Grad 2) tista' titlob li l-ESMA tivvaluta l-konformità komparabbli tagħha, jiġifieri jekk il-konformità mal-qafas applikabbli tal-pajjiż terz tistax titqies li tissodisfa l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-EMIR;

C.

billi dan ir-regolament delegat għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza biex tiġi żgurata t-tħejjija tal-Unjoni meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika fir-Renju Unit wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/180


P9_TA(2020)0218

Emenda tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2020)0220 – C9-0160/2020 – 2020/0097(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 385/28)

Emenda 1

Proposta għal deċiżjoni

Kunsiderazzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 196 u l-Artikolu 322(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 196 tiegħu,

Emenda 2

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 1a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a)

It-tibdil fil-klima qed iwassal għal żieda fil-frekwenza, l-intensità u l-kumplessità tad-diżastri naturali madwar id-dinja, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, huma partikolarment vulnerabbli minħabba, minn naħa waħda, il-kapaċità sottożviluppata tagħhom li jadattaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u li jimmitigawhom, u li jirreaġixxu għad-diżastri relatati mal-klima, u, min-naħa l-oħra, l-esponiment ġeografiku tagħhom għall-għargħar, in-nixfiet u n-nirien fil-foresti.

Emenda 3

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Filwaqt li jirrikonoxxi r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri b'konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

Filwaqt li r-responsabbiltà primarja għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem tibqa' tal-Istati Membri , il-Mekkaniżmu tal-Unjoni , u b'mod partikolari r-rescEU, jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri b'konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea billi jikkomplementa l-kapaċitajiet eżistenti tal-Istati Membri, filwaqt li jippermetti tħejjija u reazzjoni aktar effettivi, meta l-kapaċitajiet fil-livell nazzjonali ma jkunux suffiċjenti .

Emenda 4

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a)

In-nirien fil-foresti jheddu l-ħajjiet, l-għajxien u l-bijodiversità, jikkawżaw ir-rilaxx ta' ammonti kbar ta' emissjonijiet tal-karbonju u jnaqqsu l-kapaċità ta' assorbiment tal-karbonju tal-pjaneta, u dawn jaggravaw aktar it-tibdil fil-klima. Ta' tħassib partikolari huma s-sitwazzjonijiet fejn iż-żoni forestali jew radjuattivi kkontaminati jinqerdu bin-nar. Iż-żieda fid-diżastri relatati mal-klima, inklużi n-nirien fil-foresti, tirrikjedi tisħiħ tal-operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili barra mill-Unjoni, inklużi l-attivitajiet li jiffukaw fuq il-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija għalihom.

Emenda 5

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

L-esperjenza bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-effettività tal-Unjoni fl-immaniġġar tal-kriżijiet hija limitata mill-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas ta' governanza tagħha, iżda wkoll mil-livell ta' tħejjija tal-Unjoni f'każ ta' diżastri li jolqtu l-maġġoranza tal-Istati Membri.

(3)

L-esperjenza bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-effettività tal-Unjoni fl-immaniġġar tal-kriżijiet hija limitata mill-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas ta' governanza tagħha, iżda wkoll mil-livell ta' tħejjija tal-Unjoni f'każ ta' diżastri li jolqtu l-maġġoranza tal-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa ċar li l-Unjoni u l-Istati Membri mhumiex preparati biżżejjed għal diżastri aktar estremi u kumplessi b'konsegwenzi globali estensivi u aktar fit-tul, bħal pandemija fuq skala kbira. Għalhekk, huwa essenzjali li l-azzjonijiet ta' protezzjoni ċivili mwettqa mill-Istati Membri jkunu koordinati aħjar u li r-rescEU tissaħħaħ.

Emenda 6

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)

L-esperjenza tal-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-Unjoni u l-Istati Membri mhumiex preparati adegwatament biex jirreaġixxu għal emerġenzi fuq skala kbira u li l-qafas legali eżistenti mhuwiex adegwat biżżejjed għall-iskop. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat ukoll kif il-konsegwenzi tal-katastrofijiet għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent, għas-soċjetà u għall-ekonomija jistgħu jkunu ta' kobor mingħajr preċedent. Fid-dawl tal-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċità u l-azzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tas-saħħa u l-protezzjoni ċivili, huwa essenzjali li r-rescEU tissaħħaħ u ssir aktar flessibbli u rapida, u li tkun ikkoordinata aħjar mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili. Huwa essenzjali wkoll li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni suffiċjenti dwar il-prevenzjoni u t-tħejjija tagħhom fir-rigward tal-emerġenzi.

Emenda 7

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b)

Sabiex jiġu mmassimizzati t-trasparenza u l-akkontabilità għaċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta gwida dwar kif jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-infiq imwettaq permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili li jenħtieġ li jikkwalifika bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA).

Emenda 8

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3c)

Fid-dawl tal-esperjenza tat-tifqigħa tal-COVID-19 u b'kont meħud tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa u tal-protezzjoni ċivili, ir-rescEU jenħtieġ li tissaħħaħ b'mod sinifikanti biex ittejjeb ir-rendiment tagħha f'kull wieħed mit-tliet pilastri tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni: il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni.

Emenda 9

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u b'hekk inkunu mħejjija aħjar meta jseħħu ċirkostanzi bħal dawn fil-futur.

(5)

Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u b'hekk inkunu mħejjija aħjar meta jseħħu ċirkostanzi bħal dawn fil-futur. It-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jikkomplementa l-politiki u l-fondi tal-Unjoni u jenħtieġ li ma jkunx sostitut għall-integrazzjoni tal-prinċipju ta' reżiljenza għad-diżastri f'dawk il-politiki u l-fondi.

Emenda 88

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Biex ittejjeb l-ippjanar fil-prevenzjoni u t-tħejjija, jenħtieġ li l-Unjoni tissokta tappoġġa l-investiment fil-prevenzjoni tad-diżastri f'bosta setturi, u  għal approċċi komprensivi ta' mmaniġġar tar-riskju li jirfdu l-prevenzjoni u t-tħejjija, b'kunsiderazzjoni ta' approċċ ta' perikli multipli, approċċ imsejjes fuq ekosistema u l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet xjentifiċi u mal-operaturi ekonomiċi ewlenin. Għal dan il-għan, l-approċċi transsettorjali u għal perikli multipli jenħtieġ li jitpoġġa fuq quddiem u li jkun imsejjes fuq għanijiet ta' reżiljenza għall-Unjoni kollha li jikkontribwixxu għal definizzjoni bażi tal-kapaċitajiet u t-tħejjija. Il-Kummissjoni se taħdem id f'id mal-Istati Membri biex tiddefinixxi l-għanijiet ta' reżiljenza għall-Unjoni kollha.

(6)

Biex ittejjeb ir-reżiljenza u l-ippjanar fil-prevenzjoni u t-tħejjija, jenħtieġ li l-Unjoni ssaħħaħ l-investiment fil-prevenzjoni tad-diżastri bejn il-fruntieri u f'bosta setturi, inklużi dawk li jseħħu minħabba attività siżmika, bħat-terremoti, jew minħabba għargħar jew instabbiltà idroġeoloġika, bħal uqigħ tal-art, u approċċi komprensivi ta' mmaniġġar tar-riskju li jirfdu l-prevenzjoni u t-tħejjija, b'kunsiderazzjoni ta' approċċ ta' perikli multipli, approċċ imsejjes fuq ekosistema u l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet xjentifiċi, mal-operaturi ekonomiċi ewlenin u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, li huma atturi ewlenin fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri, kif ukoll mas-settur terzjarju u ma' organizzazzjonijiet volontarji li joperaw fil-qasam u jeħtieġ li ma jikkompromettux il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-Unjoni eżistenti . Għal dan il-għan, l-approċċi transsettorjali , transfruntieri u għal perikli multipli jenħtieġ li jitpoġġa fuq quddiem u li jkun imsejjes fuq għanijiet ta' reżiljenza għall-Unjoni kollha li jikkontribwixxu għal definizzjoni bażi tal-kapaċitajiet u t-tħejjija. Il-Kummissjoni se taħdem id f'id mal-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew biex tiddefinixxi l-għanijiet ta' reżiljenza għall-Unjoni kollha u biex tqis kwalunkwe pjan operattiv ta' reazzjoni għal emerġenza li diġà jeżisti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali .

Emenda 11

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6 a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

Sabiex ikun żgurat li prevenzjoni tad-diżastri tkun effiċjenti, jenħtieġ li t-testijiet tal-istress u proċess għaċ-ċertifikazzjoni tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni jitqiesu bħala elementi fundamentali. Valutazzjonijiet regolari tar-riskju fil-livell reġjonali u lokali huma meħtieġa biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jieħdu miżuri biex isaħħu r-reżiljenza fejn meħtieġ, inkluż bl-użu tal-fondi eżistenti tal-Unjoni. Tali valutazzjonijiet tar-riskju jenħtieġ li jiffukaw fuq karatteristiċi speċifiċi għal kull reġjun, bħall-attività siżmika, l-għargħar frekwenti jew in-nirien fil-foresti. Dawk il-valutazzjonijiet jenħtieġ li jinkludu wkoll il-livell ta' kooperazzjoni transfruntiera, sabiex il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jkollu informazzjoni dettaljata dwar il-kapaċitajiet disponibbli lokalment sabiex l-intervent jista' jsir aktar speċifiku.

Emenda 12

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6 b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b)

L-iżvilupp ta' għanijiet tal-Unjoni ta' reżiljenza għad-diżastri b'appoġġ għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija jenħtieġ li jinvolvi valutazzjoni eżatta tal-konsegwenzi u jqis il-konsegwenzi soċjali fit-tul osservati fl-ewwel stadju ta' wara emerġenza li jkunu ġestiti minn aġenziji tal-protezzjoni ċivili, b'attenzjoni partikolari għall-persuni l-aktar vulnerabbli.

Emenda 89

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6 c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6c)

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri huwa ta' importanza kbira, u l-kapaċitajiet ta' reazzjoni tagħhom jeħtieġ li jkunu involuti b'mod xieraq fi kwalunkwe attività ta' koordinazzjoni u mobilizzazzjoni li ssir fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-oqfsa istituzzjonali u legali tal-Istati Membri, bil-għan li jiġu mminimizzati s-sovrapożizzjonijiet u titrawwem l-interoperabbiltà. Tali awtoritajiet jistgħu jaqdu rwol preventiv importanti u huma wkoll l-ewwel li jirreaġixxu wara diżastru, flimkien mal-kapaċitajiet tal-voluntiera tagħhom. Għaldaqstant, teżisti l-ħtieġa ta' kooperazzjoni kontinwa fil-livell lokali, reġjonali u transfruntier bil-għan li jiġu stabbiliti sistemi ta' twissija komuni biex isir intervent rapidu qabel il-mobilizzazzjoni tar-rescEU, kif ukoll kampanji ta' informazzjoni regolari għall-pubbliku dwar il-miżuri ta' reazzjoni inizjali.

Emenda 13

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a)

Il-ħolqien ta' ġabra ta' riżorsi jiġbor flimkien sensiela ta' timijiet tas-salvataġġ, esperti u tagħmir li l-Istati Membri dejjem iżommu għal dak li jista' jinqala' b'rabta mal-missjonijiet ta' protezzjoni ċivili tal-Unjoni. Huwa essenzjali li dawk it-timijiet jirrispettaw kriterji eżiġenti ta' kwalità u affidabbiltà biex jiżguraw l-interoperabbiltà tagħhom.

Emenda 14

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jagħmel użu minn infrastrutturi spazjali tal-Unjoni bħall-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus), Galileo, is-Sistema ta' Għarfien ta' Sitwazzjonijiet u GOVSATCOM, li jipprovdu għodod importanti ta' reazzjoni għal emerġenzi interni u esterni fil-livell tal-Unjoni. Is-Sistemi ta' Ġestjoni ta' Emerġenzi ta' Copernicus qegħdin jagħtu appoġġ lill-ERCC fid-diversi fażijiet ta' emerġenza mit-twissija bikrija u l-prevenzjoni ta' diżastri u l-irkupru. Il-GOVSATCOM se tipprovdi kapaċità ta' komunikazzjoni bis-satellita sikura mfassla b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-utenti governattivi fl-immaniġġar ta' emerġenzi. Galileo hija l-ewwel infrastruttura globali ta' navigazzjoni u ta' pożizzjonament bis-satellita ddisinjata għal skopijiet ċivili fl-Ewropa u madwar id-dinja, u tista' tintuża f'oqsma oħra bħall-immaniġġar ta' emerġenzi, fosthom fl-attivitajiet ta' twissija bikrija. Is-servizzi rilevanti ta' Galileo se jinkludu servizz ta' emerġenza li jxandar, permezz tal-emissjoni ta' sinjali, twissijiet dwar diżastri naturali jew emerġenzi oħra f'oqsma partikolari. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz. Meta jiddeċiedu li jużawh sabiex jivvalidaw is-sistema, jenħtieġ li jidentifikaw u javżaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu se jużaw dak is-servizz ta' emerġenza.

(9)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jagħmel użu minn infrastrutturi spazjali tal-Unjoni bħall-Programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja (Copernicus), Galileo, is-Sistema ta' Għarfien ta' Sitwazzjonijiet u GOVSATCOM, li jipprovdu għodod importanti ta' reazzjoni għal emerġenzi interni u esterni fil-livell tal-Unjoni. Is-Sistemi ta' Ġestjoni ta' Emerġenzi ta' Copernicus qegħdin jagħtu appoġġ lill-ERCC fid-diversi fażijiet ta' emerġenza mit-twissija bikrija u l-prevenzjoni sad-diżastru u l-irkupru. Il-GOVSATCOM se tipprovdi kapaċità ta' komunikazzjoni bis-satellita sikura mfassla b'mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-utenti governattivi fl-immaniġġar ta' emerġenzi. Galileo hija l-ewwel infrastruttura globali ta' navigazzjoni u ta' pożizzjonament bis-satellita ddisinjata għal skopijiet ċivili fl-Ewropa u madwar id-dinja, u tista' tintuża f'oqsma oħra bħall-immaniġġar ta' emerġenzi, fosthom fl-attivitajiet ta' twissija bikrija. Is-servizzi rilevanti ta' Galileo se jinkludu servizz ta' emerġenza li jxandar, permezz tal-emissjoni ta' sinjali, twissijiet dwar diżastri naturali jew emerġenzi oħra f'oqsma partikolari.  Meta jitqies il-potenzjal tiegħu li jsalva l-ħajjiet u jiffaċilita l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet ta' emerġenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jużaw dan is-servizz. Meta jiddeċiedu li jużawh sabiex jivvalidaw is-sistema, jenħtieġ li jidentifikaw u javżaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jkunu se jużaw dak is-servizz ta' emerġenza.

Emenda 15

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u r-rescEU jenħtieġ li jiġu żviluppati b'mod li jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi b'mod effettiv għal firxa wiesgħa ta' emerġenzi. It-tibdil fil-klima qed iwassal għal żieda fil-frekwenza, l-intensità u l-kumplessità tad-diżastri naturali fl-Unjoni u madwar id-dinja, u jirrikjedi livell għoli ta' solidarjetà bejn il-pajjiżi. Kull sena, ħafna Stati Membi jiġu devastati minn nirien fil-foresti li jeqirdu eluf ta' ettari u jħallu bosta nies mejta. Din is-sitwazzjoni kienet partikolarment evidenti matul l-istaġun tan-nirien fil-foresti tal-2017 fil-Portugall, li wassal għall-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rescEU ta' Novembru 2017. Il-kapaċità ta' prevenzjoni u reazzjoni tal-Istati Membri, inklużi dawk milquta l-aktar min-nirien fil-foresti, ħafna drabi tkun insuffiċjenti. Huwa għalhekk essenzjali li l-prevenzjoni tad-diżastri u t-tħejjija u r-reazzjoni għalihom jissaħħu, u li l-Mekkaniżmu tal-Unjoni jinkludi kapaċitajiet suffiċjenti, inkluż matul il-perjodu ta' tranżizzjoni tar-rescEU, biex tittieħed azzjoni meta jseħħu nirien fil-foresti u diżastri naturali oħra.

Emenda 16

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 9b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9b)

Matul il-pandemija tal-COVID-19, abbażi tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, il-Kummissjoni setgħet tinkludi fir-rescEU kumulazzjoni ta' riżerva medika, li tikkonsisti f'kontromiżuri mediċi bħal tagħmir mediku għall-kura intensiva, tagħmir protettiv personali, provvisti tal-laboratorji, vaċċini u terapiji, għal skopijiet ta' tħejjija u reazzjoni għal theddida transfruntiera serja għas-saħħa. Minn din il-kumulazzjoni ta' riżerva medika, ingħata tagħmir protettiv personali lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati. Madankollu, minħabba li l-Istati Membri biss jistgħu jakkwistaw, jikru jew jiksbu b'lokazzjoni l-kapaċitajiet tar-rescEU, għadda aktar minn xahar bejn l-adozzjoni tal-att ta' implimentazzjoni għall-istabbiliment tal-kumulazzjoni ta' riżerva msemmija hawn fuq u l-ewwel użu tat-tagħmir mediku u l-provvisti kkonċernati.

Emenda 17

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10)

Biex ikollha l-kapaċità operazzjonali tirreaġixxi malajr għal emerġenza fuq skala kbira jew għal avveniment bi probabbiltà baxxa u b'impatt kbir bħall-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-Unjoni jkollha l-possibbiltà li takkwista, tixtri, tikseb b'lokazzjoni jew tikkuntratta kapaċitajiet tar-rescEU biex tkun tista' tgħin lil dawk l-Istati Membri li jinħakmu minn emerġenzi fuq skala kbira, b'konformità mal-kompetenza ta' appoġġ fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u b'attenzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli . Dawn il-kapaċitajiet iridu jiġu prepożizzjonati f'ċentri loġistiċi ġewwa l-Unjoni jew, għal raġunijiet strateġiċi, permezz ta' networks fdati ta' ċentri bħall-Imħażen tar-Reazzjoni Umanitarja tan-NU .

(10)

Sabiex ikollha l-kapaċità operazzjonali biex tirreaġixxi malajr u b'mod effettiv għal emerġenzi fuq skala kbira jew għal avvenimenti bi probabbiltà baxxa u b'impatt kbir bħall-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-Unjoni jkollha l-possibbiltà li takkwista, tixtri, tikseb b'lokazzjoni jew tikkuntratta b'mod awtonomu kapaċitajiet tar-rescEU biex tkun tista' tgħin lil dawk l-Istati Membri li jinħakmu minn emerġenzi fuq skala kbira kif ukoll emerġenzi transfruntieri , b'konformità mal-kompetenza ta' appoġġ fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Dawn il-kapaċitajiet iridu jiġu prepożizzjonati f'ċentri loġistiċi ġewwa l-Unjoni. Meta jkun meħtieġ, l-EMA u l-ECDC jenħtieġ li jiġu kkonsultati dwar id-definizzjoni, l-immaniġġar u d-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet dedikati għar-reazzjoni għall-emerġenzi mediċi.

Emenda 18

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a)

Fit-twettiq tal-attivitajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli. Barra minn hekk, u sabiex tiġi evitata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, fi żminijiet ta' kriżi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, gwida bbażata fuq l-aħjar prattiki biex tappoġġa l-vittmi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

Emenda 19

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10b)

Abbażi tal-prinċipji ta' solidarjetà u kopertura universali tas-servizzi tas-saħħa ta' kwalità u tar-rwol ċentrali tal-Unjoni fl-aċċelerazzjoni tal-progress rigward l-isfidi tas-saħħa globali, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, b'mod li jikseb sinerġija u komplementarjetà ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-programm l-UE għas-Saħħa, jenħtieġ li joħloq prevenzjoni, tħejjija u kapaċità ta' reazzjoni aħjar fir-rigward tal-emerġenzi mediċi.

Emenda 20

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Il-kapaċitajiet tar-rescEU li jinxtraw, jinkrew, jinkisbu b'lokazzjoni jew inkella jiġu kkuntrattati mill-Istati jistgħu jintużaw għal skopijiet nazzjonali, iżda dan meta ma jkunux qed jintużaw jew ikunu meħtieġa għal operazzjoni ta' reazzjoni permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(11)

Il-kapaċitajiet tar-rescEU li jinxtraw, jinkrew, jinkisbu b'lokazzjoni jew inkella jiġu kkuntrattati mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni jistgħu jintużaw għal skopijiet nazzjonali mill-Istati Membri li jospitaw dawk il-kapaċitajiet , iżda dan meta ma jkunux qed jintużaw jew ikunu meħtieġa għal operazzjonijiet ta' reazzjoni permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u filwaqt li l-prijorità tingħata lill-ġlieda kontra l-emerġenzi transfruntieri .

Emenda 21

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12)

Fejn meħtieġ l-Unjoni għandha l-interess li tirreaġixxi f'pajjiżi terzi. Filwaqt li primarjament il-kapaċitajiet tar-rescEU inħolqu bħala xibka ta' sikurezza fl-Unjoni, dawn jistgħu jintużaw barra mill-Unjoni f'każijiet iġġustifikati kif xieraq u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji umanitarji.

(12)

Fejn meħtieġ l-Unjoni għandha l-interess li tirreaġixxi f'pajjiżi terzi. Filwaqt li primarjament il-kapaċitajiet tar-rescEU nħolqu bħala xibka ta' sikurezza fl-Unjoni, dawn jistgħu jintużaw barra mill-Unjoni f'każijiet iġġustifikati kif xieraq , b'konsultazzjoni ma' atturi umanitarji qabel l-interventi, u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji umanitarji.

Emenda 22

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13)

L-Istati Membri jistgħu jingħataw appoġġ biex jagħtu l-assistenza bis-setgħa tat-tisħiħ ulterjuri tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili billi l-kostijiet operatorji tal-kapaċitajiet impenjati jiġu kofinanzjati meta jintużaw barra mill-Unjoni .

(13)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw appoġġ biex jagħtu l-assistenza anki barra l-Unjoni, ir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili jenħtieġ li tissaħħaħ aktar bil-kofinanzjament tal-kostijiet operattivi tal-kapaċitajiet impenjati fl-istess livell, irrispettivament minn jekk jintużawx fl-Unjoni jew barra l-Unjoni .

Emenda 23

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 14a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14a)

Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fit-tifi tan-nirien fil-foresti mill-ajru u b'reazzjoni għal diżastri oħra, il-proċessi amministrattivi jenħtieġ li jiġu simplifikati, meta jkun possibbli, sabiex ikun żgurat intervent immedjat.

Emenda 24

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16)

Meta jitqies li l-iskjerament ta' kapaċitajiet tar-rescEU għall-kapaċitajiet ta' rispons fil-kuntest tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jagħti valur miżjud sinifikanti tal-Unjoni għaliex jiżgura r-reazzjoni effettiva rapida għal persuni f'emerġenza , jenħtieġ li jsiru obbligi ulterjuri b'rabta mal-viżibbiltà biex l-Unjoni tingħata prominenza.

(16)

Meta jitqies li l-użu ta' kapaċitajiet tar-rescEU għall-kapaċitajiet ta' reazzjoni fil-kuntest tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni jagħti valur miżjud sinifikanti tal-Unjoni għaliex jiżgura reazzjoni effettiva rapida għal persuni f'emerġenzi , jenħtieġ li jissaħħu l-obbligi biex tingħata informazzjoni liċ-ċittadini u lill-midja tal-Unjoni u anki biex tingħata prominenza lill-Unjoni . L-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jirċievu linji gwida dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni għal kull intervent partikolari biex jiżguraw li r-rwol tal-Unjoni jingħata l-viżibbiltà li jixraqlu.

Emenda 25

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 17

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(17)

Il-ġestjoni indiretta jenħtieġ li tintuża bħala metodu għall-implimentazzjoni tal-baġit sabiex tiżdied il-flessibbiltà kif ukoll biex il-baġit jiġi eżegwit bl-aħjar mod possibbli .

(17)

Sabiex tiżdied il-flessibbiltà kif ukoll biex tinkiseb implimentazzjoni ottimali tal-baġit, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tipprevedi l-ġestjoni indiretta bħala metodu ta' eżekuzzjoni tal-baġit, biex jintuża meta dan ikun iġġustifikat min-natura u l-kontenut tal-azzjoni kkonċernata .

Emenda 26

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 17a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(17a)

F'konformità mal-Artikolu 155 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1a) (“ir-Regolament Finanzjarju”), l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 62(1)(c) ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 25(2) ta' din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi ta' rapportar tagħhom kull sena. Ir-rekwiżiti ta' rapportar għal dawk l-entitajiet huma stipulati fil-ftehim ta' verifika msemmi fl-Artikolu 130(3) tar-Regolament Finanzjarju.

Emenda 27

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(18)

Fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE l-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta programmi ta' ħidma annwali jew pluriennali li jindikaw l-allokazzjonijiet ippjanati biex tippromwovi l-prevedibbiltà u l-effettività fit-tul. Dan jenħtieġ li jgħin lill-Unjoni tkun aktar flessibbli fl-eżekuzzjoni tal-baġit u b'hekk issaħħaħ l-azzjonijiet ta' prevenzjoni u ta' tħejjija.

imħassar

Emenda 28

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 18a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(18a)

L-atti delegati jenħtieġ li jiddefinixxu kompetenzi msaħħa tal-Aġenziji ewlenin tal-Unjoni biex jimmaniġġaw il-kapaċitajiet tar-rescEU, imexxu l-proċess tal-akkwist u jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar kwantitajiet u prodotti speċifiċi li jitqiegħdu f'ċentri loġistiċi mxerrda ġeografikament.

Emenda 29

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 18b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(18b)

L-istabbiliment, il-ġestjoni u d-distribuzzjoni tar-riżervi strateġiċi tal-Unjoni u l-kumulazzjoni ta' riżervi ta' kapaċitajiet dedikati għar-reazzjoni għall-emerġenzi mediċi fl-ambitu tal-programm l-UE għas-Saħħa jenħtieġ li jikkomplementaw ir-riżervi tar-rescEU.

Emenda 30

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 22a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(22a)

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jenħtieġ li jippermetti wkoll il-possibbiltà ta' kontribuzzjonijiet addizzjonali volontarji mill-Istati Membri.

Emenda 31

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 23

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(23)

Filwaqt li l-miżuri ta' prevenzjoni u ta' tħejjija huma essenzjali biex tissaħħaħ is-sodezza tal-Unjoni meta tħabbat wiċċha ma' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, hija fin-natura tad-diżastri li l-okkorrenza, meta u d-daqs tagħhom huma imprevedibbli. Kif ħareġ fid-dieher fil-kriżi riċenti tal-COVID-19, ir-riżorsi finanzjarji mitluba biex tiġi żgurata reazzjoni xierqa jistgħu jvarjaw ħafna minn sena għal oħra u jenħtieġ li jkunu disponibbli minnufih. B'konsegwenza ta' dan, ir-rikonċiljazzjoni tal-prinċipji tal-prevedibbiltà mal-ħtieġa ta' reazzjoni rapida għal ħtiġijiet ġodda tfisser li l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi trid tiġi adattata. Għaldaqstant, minbarra l-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, ikun xieraq li l-approprjazzjonijiet li ma jintużawx jitħallew jiġu riportati, b'limitu għas-sena ta' wara u  biss f'każ ta' azzjoni ta' reazzjoni.

(23)

Filwaqt li l-miżuri ta' prevenzjoni u ta' tħejjija huma essenzjali biex tissaħħaħ is-sodezza tal-Unjoni meta tħabbat wiċċha ma' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, hija fin-natura tad-diżastri li l-okkorrenza, meta u d-daqs tagħhom huma imprevedibbli. Kif ħareġ fid-dieher fil-kriżi riċenti tal-COVID-19, ir-riżorsi finanzjarji mitluba biex tiġi żgurata reazzjoni xierqa jistgħu jvarjaw ħafna minn sena għal oħra u jenħtieġ li jkunu disponibbli minnufih. B'konsegwenza ta' dan, ir-rikonċiljazzjoni tal-prinċipji tal-prevedibbiltà mal-ħtieġa ta' reazzjoni rapida għal ħtiġijiet ġodda tfisser li l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi trid tiġi adattata. Għaldaqstant, minbarra l-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, ikun xieraq li l-approprjazzjonijiet li ma jintużawx jitħallew jiġu riportati, b'limitu għas-sena ta' wara u f'każ ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni, ta' tħejjija u ta' reazzjoni.

Emenda 32

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 25

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(25)

L-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE mhuwiex flessibbli biżżejjed biex l-Unjoni tkun tista' taġġusta l-investimenti għall-prevenzjoni, għat-tħejjija u għar-reazzjoni b'mod xieraq, u għaldaqstant qiegħed jitħassar. Il-livelli ta' investimenti li se jiġu allokati għall-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-immaniġġar tar-riskju ta' diżastri iridu jiġu deċiżi minn qabel. Dan in-nuqqas ta' flessibbiltà jżomm lura lill-Unjoni milli tkun f'pożizzjoni li tirreaġixxi għan-natura imprevedibbli tad-diżastri.

imħassar

Emenda 33

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 25a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(25a)

Matul il-pandemija tal-COVID-19, sabiex ikun hemm kapaċitajiet tar-rescEU li jiffunzjonaw u biex il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jirreaġixxi b'mod effettiv għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, tqiegħdu għad-dispożizzjoni approprjazzjonijiet finanzjarji addizzjonali għall-finanzjament ta' azzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Huwa importanti li l-Unjoni tingħata l-flessibbiltà neċessarja biex tkun tista' tirreaġixxi b'mod effettiv għan-natura imprevedibbli tad-diżastri, filwaqt li fl-istess ħin iżżomm ċerta prevedibbiltà fit-twettiq tal-objettivi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Huwa importanti li jinkiseb il-bilanċ neċessarju fit-twettiq ta' dawk l-objettivi. Sabiex jiġu aġġornati l-perċentwali stabbiliti fl-Anness I, skont il-prijoritajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni riformat, jenħtieġ li l-Kummissjon tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emenda 34

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt - 1 (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 1 – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.   Il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandha primarjament tkopri l-persuni, imma wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, kontra kull tip ta' diżastru naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, inklużi l-konsegwenzi ta' atti terroristiċi u ta' diżastri teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali, tniġġis tal-baħar u emerġenzi akuti tas-saħħa, li jseħħu ġewwa jew barra l-Unjoni. Fil-każ tal-konsegwenzi ta' atti terroristiċi jew diżastri radjoloġiċi, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jista' jkopri biss l-azzjonijiet ta' tħejjija u ta' reazzjoni.

“2.   Il-protezzjoni li għandha tiġi żgurata taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandha primarjament tkopri l-persuni, imma wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, kontra kull tip ta' diżastru naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, inklużi l-konsegwenzi ta' atti terroristiċi u ta' diżastri teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali, tniġġis tal-baħar , instabbiltà idroġeoloġika u emerġenzi akuti tas-saħħa, li jseħħu ġewwa jew barra l-Unjoni. Fil-każ tal-konsegwenzi ta' atti terroristiċi jew diżastri radjoloġiċi, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jista' jkopri biss l-azzjonijiet ta' tħejjija u ta' reazzjoni.”

Emenda 35

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt - 1a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 1 – paragrafu 3

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-1a)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

3.   Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni prattiċi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri li jħarsu l-persuni, l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kultural, i fit-territorju tagħhom kontra diżastri u li jipprovdu kapaċitajiet suffiċjenti lis-sistemi tagħhom ta' ġestjoni tad-diżastri biex jippermettulhom ilaħħqu b'mod adegwat u konsistenti ma' diżastri ta' natura u skala li jistgħu raġonevolment jistennew u jkunu ppreparati għalihom.

“3.   Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jippromwovi s-solidarjetà bejn l-Istati Membri permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni prattiċi, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri li jħarsu l-persuni, l-ambjent , l-art u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali fit-territorju tagħhom kontra diżastri u li jipprovdu kapaċitajiet suffiċjenti lis-sistemi tagħhom ta' ġestjoni tad-diżastri biex jippermettulhom jipprevjenu u jlaħħqu b'mod adegwat u konsistenti ma' diżastri ta' natura u skala li jistgħu raġonevolment jistennew u jkunu ppreparati għalihom.”

Emenda 36

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt - 1b (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt c

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-1b)

Fl-Artikolu 3(1), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(c)

li tiġi ffaċilitata reazzjoni rapida u effiċjenti f'każ ta' diżastri jew diżastri imminenti, inkluż billi jittieħdu miżuri biex jittaffew il-konsegwenzi immedjati ta' id-diżastri;

“(c)

li tiġi ffaċilitata reazzjoni rapida u effiċjenti f'każ ta' diżastri jew diżastri imminenti, inkluż billi jitneħħa kwalunkwe ostaklu ta' natura burokratika.”

Emenda 37

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 4 – paragrafu 1 – punt 4a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a)

Fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

 

“4a     . ‘għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri’ tfisser objettivi stabbiliti biex jappoġġaw azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija għall-finijiet tat-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jifilħu għall-effetti ta' diżastru li jikkawża jew li jista' jikkawża effetti transkonfinali, biex tiġi pprovduta bażi komuni rigward il-preservazzjoni, minkejja l-effetti ta' tali diżastru, ta' funzjonijiet soċjetali kritiċi, u biex jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona kif xieraq f'kuntest bħal dan;”

Emenda 38

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1b (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt c

Test fis-seħħ

Emenda

 

(1b)

Fl-Artikolu 5(1), il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(c)

tistabbilixxi u taġġorna regolarment perspettiva ġenerali u mappa transsettorjali tar-riskji ta' diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem li tista' tiffaċċja l-Unjoni, billi tieħu approċċ koerenti fl-oqsma ta' politika differenti li jistgħu jindirizzaw jew jaffettwaw il-prevenzjoni tad-diżastri u billi tieħu kont debitu tal-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima;

“(c)

tistabbilixxi u taġġorna regolarment perspettiva ġenerali u mappa transsettorjali tar-riskji ta' diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem – inklużi diżastri li jikkawżaw jew li jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali – li tista' tiffaċċja l-Unjoni, billi tieħu approċċ koerenti fl-oqsma ta' politika differenti li jistgħu jindirizzaw jew jaffettwaw il-prevenzjoni tad-diżastri u billi tieħu kont debitu tal-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima;”

Emenda 39

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1c (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt h

Test fis-seħħ

Emenda

 

(1c)

Fl-Artikolu 5(1), il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(h)

tippromwovi l-użu ta' diversi fondi tal-Unjoni li jistgħu jappoġġaw il-prevenzjoni sostenibbli ta' diżastri u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jisfruttaw dawk l-opportunitajiet ta' finanzjament;

“(h)

tippromwovi l-użu ta' fondi tal-Unjoni li jistgħu jappoġġaw il-prevenzjoni sostenibbli ta' diżastri , inklużi dawk ikkawżati mill-instabbiltà idroġeoloġika, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lir-reġjuni jisfruttaw dawk l-opportunitajiet ta' finanzjament;”

Emenda 40

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt -a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt c

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(c)

jiżviluppaw u jirfinaw aktar l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali adatt;

 

“(c)

jiżviluppaw u jirfinaw aktar l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali adatt, inkluż fir-rigward tal-kollaborazzjoni transfruntiera, fid-dawl tal-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri msemmija fl-Artikolu 6(5) u r-riskji relatati ma' diżastri li jikkawżaw jew li kapaċi jikkawżaw effetti transkonfinali ;”

Emenda 41

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt -aa (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt d

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-aa)

Fil-paragrafu 1, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(d)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sommarju tal-elementi rilevanti tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), b'enfasi fuq ir-riskji ewlenin. Għal riskji ewlenin li għandhom impatti transkonfinali kif ukoll, fejn xieraq, għal riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu miżuri prijoritarji ta' prevenzjoni u tħejjija. Is-sommarju għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020 u kull tliet snin minn dik id-data 'l quddiem u kull meta jkun hemm bidliet importanti;

 

“(d)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sommarju tal-elementi rilevanti tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), b'enfasi fuq ir-riskji ewlenin. Għal riskji ewlenin li għandhom impatti transfruntiera u riskji relatati ma' diżastri li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali , kif ukoll, fejn xieraq, għal riskji ta' probabbiltà baxxa b'impatt qawwi, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu miżuri prijoritarji ta' prevenzjoni u tħejjija. Is-sommarju għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020 u kull tliet snin minn dik id-data 'l quddiem u kull meta jkun hemm bidliet importanti;”

Emenda 42

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt b

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt f

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(f)

itejbu l-ġbir ta' data dwar it-telf mid-diżastri fil-livell nazzjonali jew fil-livell sottonazzjonali xieraq biex jiġu żgurat l-immudellar ta' xenarji bbażat fuq l-evidenza kif inhu msemmi fl-Artikolu 10(1).;

(f)

itejbu l-ġbir ta' data dwar it-telf mid-diżastri fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali xieraq biex jiġu żgurat l-immudellar ta' xenarji bbażat fuq l-evidenza kif inhu msemmi fl-Artikolu 10(1) , speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-identifikazzjoni tal-lakuni fil-kapaċitajiet transfruntiera ta' reazzjoni għad-diżastri .

Emenda 43

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt c

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 6 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-għanijiet tar-reżiljenza għad-diżastri biex tappoġġa azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija. L-għanijiet tar-reżiljenza għad-diżastri għandhom jiżguraw bażi għall-ħarsien tal-funzjonijiet kritiċi tas-soċjetà fid-dawl tal-effetti tal-katina ta' avvenimenti imprevedibbli ta' diżastru b'impatt għoli u biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern. Dawn l-għanijiet għandhom ikunu bbażati fuq xenarji li jħarsu lejn il-futur, fosthom l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-riskju ta' diżastri, data fuq avvenimenti tal-imgħoddi u analiżi tal-impatt transsettorjali b'attenzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli.

5.    Sa … [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-deċiżjoni emendatorja], il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 sabiex tissupplementa din id-Deċiżjoni billi tistabbilixxi l-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri biex tappoġġa azzjonijiet ta' prevenzjoni u tħejjija. L-għanijiet marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri għandhom jiżguraw bażi għall-ħarsien tal-funzjonijiet kritiċi tas-soċjetà fid-dawl tal-effetti tal-katina ta' avvenimenti imprevedibbli ta' diżastru b'impatt għoli u biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern. Dawk l-għanijiet għandhom ikunu bbażati fuq xenarji li jħarsu lejn il-futur, fosthom l-impatt tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità fuq ir-riskju ta' diżastri, data fuq avvenimenti tal-imgħoddi u analiżi tal-impatt transsettorjali u analiżi tal-impatt soċjali fit-tul fuq ir-reġjuni affettwati, b'attenzjoni partikolari għall-persuni vulnerabbli. Fit-tfassil tal-għanijiet marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri, il-Kummissjoni għandha tiffoka speċifikament fuq diżastri rikorrenti li jolqtu r-reġjuni tal-Istati Membri u tissuġġerixxi li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri konkreti, inklużi dawk li għandhom jiġu implimentati bl-użu ta' fondi tal-Unjoni, biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-kriżijiet.

Fejn meħtieġ il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 30 biex tiddefinixxi l-għanijiet tal-Unjoni tar-reżiljenza għad-diżastri.

 

Emenda 44

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 7 – paragrafu 1 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

B'mod partikolari l-ERCC għandu jikkoordina, jimmonitorja u jappoġġa r-rispons għall-emerġenzi fil-livell tal-Unjoni f'ħin reali. L-ERCC għandu jaħdem f'kuntatt mill-qrib mas-sistemi nazzjonali tal-kriżijiet, mal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili u mal-korpi rilevanti tal-Unjoni.

B'mod partikolari, l-ERCC għandu jikkoordina, jimmonitorja u jappoġġa r-reazzjoni għall-emerġenzi fil-livell tal-Unjoni f'ħin reali. L-ERCC għandu jaħdem f'kuntatt mill-qrib mas-sistemi nazzjonali tal-kriżijiet, mal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili , ma' gruppi volontarji fil-livell tal-komunità u mal-korpi rilevanti tal-Unjoni.

Emenda 45

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 8 – punt c – inċiż 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

biex jiżviluppa sistemi ta' detezzjoni u ta' twissija transnazzjonali ta' interess għall-Unjoni;

biex jiżviluppa sistemi ta' detezzjoni u ta' twissija bikrija transnazzjonali ta' interess għall-Unjoni sabiex jittaffew l-effetti immedjati tad-diżastri jew tal-pandemiji fuq il-ħajja tal-bniedem ;

Emenda 46

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 8 – punt c – inċiż 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

biex jagħti assistenza teknika ta' taħriġ lill-komunitajiet lokali bil-ħsieb li jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom fir-rigward tal-ewwel reazzjoni tagħhom għal kriżi mingħajr assistenza;

Emenda 47

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 5a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 9 – paragrafu 10a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a)

Fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10a.     L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw li l-persunal tal-ewwel intervent ikun mgħammar u mħejji sew biex jirreaġixxi għal kwalunkwe tip ta' sitwazzjoni ta' diżastru kif imsemmi fl-Artikolu 1.”

Emenda 48

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 10 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati għandu jaħdmu id f'id biex itejbu l-ippjanar tar-reżiljenza transsettorjali, kemm għal diżastri naturali kif ukoll għal dawk ikkawżati mill-bniedem li x'aktarx ikollhom effett transfruntier , fosthom l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. L-ippjanar tar-reżiljenza għandu jinkludi bini ta' xenarji fil-livell tal-Unjoni għall-prevenzjoni u r-reazzjoni ta' diżastri bbażata fuq il-valutazzjonijiet tar-riskji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-ħarsa ġenerali lejn ir-riskji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1), l-ippjanar dwar l-immaniġġar tar-riskji tad-diżastri msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1), id-data dwar it-telf marbuta mad-diżastri msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-immappjar tal-assi u l-iżviluppar ta' pjanijiet għall-iskjerament tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-għanijiet tar-reżiljenza għad-diżastri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(5).

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu id f'id biex itejbu l-ippjanar tar-reżiljenza transsettorjali, kemm għal diżastri naturali kif ukoll għal dawk ikkawżati mill-bniedem li x'aktarx ikollhom effett transkonfinali , fosthom l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u l-inċidenza dejjem akbar ta' nirien fil-foresti transfruntiera . L-ippjanar tar-reżiljenza għandu jinkludi bini ta' xenarji fil-livell tal-Unjoni għall-prevenzjoni u r-reazzjoni ta' diżastri bbażata fuq il-valutazzjonijiet tar-riskji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-ħarsa ġenerali lejn ir-riskji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1), l-ippjanar dwar l-immaniġġar tar-riskji tad-diżastri msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1), id-data dwar it-telf marbuta mad-diżastri msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-immappjar tal-assi u l-iżviluppar ta' pjanijiet għall-iskjerament tal-kapaċitajiet ta' reazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-għanijiet tar-reżiljenza għad-diżastri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(5).

Emenda 49

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 10 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jippromwovu sinerġiji bejn l-iffinanzjar għal għajnuna għall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja pprovduti mill-Unjoni u l-Istati Membri fl-ippjanar tar-reżiljenza għad-diżastri ta' operazzjonijiet ta' reazzjoni għal kriżijiet umanitarji barra l-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jippromwovu sinerġiji bejn l-iffinanzjar għal għajnuna għall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja pprovduti mill-Unjoni u l-Istati Membri fl-ippjanar tar-reżiljenza għad-diżastri ta' operazzjonijiet ta' reazzjoni għal kriżijiet umanitarji barra l-Unjoni , b'konsultazzjoni, kemm jista' jkun, mal-atturi umanitarji – inklużi dawk lokali – u mal-awtoritajiet lokali .

Emenda 50

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 11 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Fuq il-bażi tar-riskji identifikati, l-għanijiet tar-reżiljenza msemmija fl-Artikolu 6(5), il-bini ta' xenarji msemmi fl-Artikolu 10(1) u l-kapaċitajiet u l-lakuni kumplessivi , il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi , permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2) , it-tipi u l-għadd ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni ewlenin ikunu meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili (“l-għanijiet tal-kapaċità”).

2.   Fuq il-bażi tar-riskji identifikati, il-kapaċitajiet ġenerali, il-lakuni u kwalunkwe għan tal-Unjoni marbut mar-reżiljenza għad-diżastri eżistenti kif imsemmi fl-Artikolu 6(5), u kwalunkwe bini ta' xenarji eżistenti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddefinixxi t-tipi tispeċifika l-għadd ta' kapaċitajiet ta' reazzjoni ewlenin meħtieġa għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili (“l-għanijiet tal-kapaċità”). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2).

Emenda 51

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 12 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-Kummissjoni għandha tuża atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2) biex tiddefinixxi l-kapaċitajiet tar-rescEU, fuq il-bażi tal-għanijiet ta' reżiljenza msemmija fl-Artikolu 6(5) , tal-bini ta' xenarji msemmija fl-Artikolu 10(1), b'kunsiderazzjoni tar-riskji identifikati u emerġenti u tal-kapaċitajiet u l-lakuni kumplessivi fil-livell tal-Unjoni, partikolarment fl-oqsma tat-tifi tan-nar tal-foresti mill-ajru, tal-inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, u reazzjoni medika ta' emerġenza.

2.    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, f'ċentri loġistiċi, riżervi Ewropej ta' kontromiżuri mediċi u tagħmir mediku li jinkludu l-kontromiżuri mediċi li jirrispondu għal ċirkostanzi li jkollhom impatt kbir u probabbiltà baxxa. Il-Kummissjoni għandha tuża atti ta' implimentazzjoni biex tiddefinixxi fiex jikkonsistu l-kapaċitajiet tar-rescEU, fuq il-bażi – inter alia – ta' kwalunkwe għan tal-Unjoni marbut mar-reżiljenza għad-diżastri kif imsemmi fl-Artikolu 6(5) u kwalunkwe bini ta' xenarji eżistenti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), b'kunsiderazzjoni tar-riskji identifikati u emerġenti u tal-kapaċitajiet u l-lakuni kumplessivi fil-livell tal-Unjoni, partikolarment fl-oqsma tat-tifi tan-nirien fil-foresti mill-ajru, tas-salvataġġi wara terremoti u għargħar, tal-inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, u  ta' reazzjoni medika f'każ ta' emerġenza. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2). Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment l-informazzjoni dwar l-għadd u l-klassifikazzjoni tal-kapaċitajiet tar-rescEU u tqiegħed dik l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni direttament.

Emenda 52

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 12 – paragrafu 2 – subparagrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Fir-rigward tal-kapaċitajiet iddedikati għar-reazzjoni għal emerġenzi mediċi, bħal pereżempju ħażna strateġika, timijiet mediċi ta' emerġenza u kwalunkwe kapaċità rilevanti oħra, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jinkisbu sinerġiji u koordinazzjoni effettivi ma' programmi oħra tal-Unjoni u b'mod partikolari mal-Programm l-UE għas-Saħħa  (1a) u ma' atturi rilevanti oħra tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali.

Emenda 53

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 12 – paragrafu 3 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu akkwistati, miksuba b'lokazzjoni jew mikrija u / jew inkella kkuntrattati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista' takkwista, tikri, tikseb b'lokazzjoni jew inkella tikkuntratta kapaċitajiet tar-rescEU biex tisstokkja jew tiddistribwixxi provvisti jew biex tagħti servizz lill-Istati Membri permezz ta' proċedura ta' akkwist konformi mar-regoli finanzjarji tal-Unjoni. Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu akkwistati, jinkrew , jinkisbu b'lokazzjoni jew inkella kkuntrattati mill-Istati Membri, ikunu jistgħu jiġu konċessi għotjiet diretti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mingħajr sejħa għall-proposti.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu akkwistati, miksuba b'lokazzjoni jew mikrija u / jew inkella kkuntrattati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista' takkwista, tikri, tikseb b'lokazzjoni jew inkella tikkuntratta kapaċitajiet tar-rescEU biex tistokkja jew tiddistribwixxi provvisti ta' kwalità għolja jew biex tagħti servizz lill-Istati Membri permezz ta' proċedura ta' akkwist konformi mar-regoli finanzjarji tal-Unjoni. Meta l-Kummissjoni tikseb il-kapaċitajiet tar-rescEU, hija għandha żżomm is-sjieda ta' tali kapaċitajiet anke meta dawn jitqassmu lill-Istati Membri. Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu mikrija, miksuba b'lokazzjoni jew ikkuntratti b'xi mod ieħor mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha żżomm il-kontroll sħiħ ta' tali kapaċitajiet. Meta l-Kummissjoni tikseb kapaċitajiet li ma jistgħux jerġgħu jintużaw, hija tista' tittrasferixxi s-sjieda ta' tali kapaċitajiet lill-Istat Membru rikjedenti. Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu akkwistati, mikrija , miksuba b'lokazzjoni jew ikkuntrattati b'xi mod ieħor mill-Istati Membri, ikunu jistgħu jiġu konċessi għotjiet diretti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mingħajr sejħa għall-proposti.

Emenda 54

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 12 – paragrafu 3 – subparagrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu ospitati fl-Istati Membri li jakkwistaw, jikru, jiksbu b'lokazzjoni jew inkella jikkuntrattaw dawk il-kapaċitajiet. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni, il-kapaċitajiet tar-rescEU li jiġu akkwistati, mikrija, miksuba b'lokazzjoni jew inkella kkuntrattati mill-Kummissjoni jridu jiġu prepożizzjonati b'mod strateġiku ġewwa l-Unjoni. F'konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-kapaċitajiet ta' rescEU li jiġu akkwistati, jinkrew, miksuba b'lokazzjoni jew inkella kkuntrattati mill-Kummissjoni jistgħu jiġu lokalizzati wkoll f'pajjiżi terzi permezz ta' netwerks fdati ġestiti minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu ospitati fl-Istati Membri li jakkwistaw, jikru, jiksbu b'lokazzjoni jew inkella jikkuntrattaw dawk il-kapaċitajiet. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni, il-kapaċitajiet tar-rescEU li jiġu akkwistati, mikrija, miksuba b'lokazzjoni jew ikkuntrattati b'xi mod ieħor mill-Kummissjoni jridu jiġu prepożizzjonati b'mod strateġiku ġewwa l-Unjoni.

Emenda 55

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt aa (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 12 – paragrafu 5

Test fis-seħħ

Emenda

 

(aa)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

5.    Stat Membru li huwa sid ta', li jikri jew li jkollu b'lease , kapaċitajiet tar-rescEU għandu jiżgura r-reġistrazzjoni ta' dawk il-kapaċitajiet fis-CECIS, u d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tagħhom għal operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

"5.    Il-Kummissjoni jew l-Istat Membru li jkunu sid ta', li jikru, li jkollhom b'lokazzjoni jew li b'xi mod ieħor jikkuntrattaw kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiżguraw ir-reġistrazzjoni ta' dawk il-kapaċitajiet fis-CECIS, u d-disponibbiltà u l-istazzjonabbiltà tagħhom għal operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU jistgħu jintużaw biss għal finijiet nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4a), meta ma jkunux użati jew meħtieġa għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU jistgħu jintużaw biss għal finijiet nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 23(4a), meta ma jkunux użati jew meħtieġa għall-operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jintużaw f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (g) tal-Artikolu 32(1) u mal-kuntratti operazzjonali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li jkun is-sid ta', jew li jkun qed jikri jew ikollu b'lease , tali kapaċitajiet, li jispeċifikaw aktar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-istazzjonar ta' kapaċitajiet tar-rescEU, inkluż il-persunal parteċipanti.

Il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jintużaw f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-punt (g) tal-Artikolu 32(1) u mal-kuntratti operazzjonali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li jkun is-sid ta', jew li jkun qed jikri jew ikollu b'lokazzjoni , tali kapaċitajiet, li jispeċifikaw aktar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-istazzjonar ta' kapaċitajiet tar-rescEU, inkluż il-persunal parteċipanti.

 

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifikati fil-kuntratti operazzjonali għandhom jiżguraw ukoll li l-kapaċitajiet tar-rescEU jintużaw f'konformità ma' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari mar-rekwiżit li l-kapaċitajiet tar-rescEU jkunu disponibbli kif stabbilit fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu u mal-għanijiet ġenerali kif stabbiliti fl-Artikolu 1. Dawk it-termini u l-kundizzjonijiet għandhom ukoll jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità sabiex jitħares l-użu xieraq tal-fondi tal-Unjoni.

Emenda 56

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8 – punt b

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 12 – paragrafu 10 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

il-kapaċitajiet ta' rescEU jistgħu jiġi skjerati barra mill-Unjoni skont il-paragrafi minn 6 sa 9 ta' dan l-Artikolu.

il-kapaċitajiet tar-rescEU jistgħu jintużaw barra mill-Unjoni skont il-paragrafi minn 6 sa 9 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jiggarantixxu r-responsabbiltà u l-użu korrett tal-kapaċitajiet tar-rescEU f'pajjiżi terzi, inkluż l-għoti ta' aċċess minn uffiċjali ta' kontroll tal-Unjoni. Il-viżibbiltà tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni f'pajjiżi terzi għandha tiġi żgurata f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 20a ta' din id-Deċiżjoni.

Emenda 57

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 8a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 13 – paragrafu 1 – subparagrafu 2 – punt fa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(fa)

joħloq kapaċitajiet ta' għarfien espert speċifiku ta' reazzjoni li jistgħu jintużaw f'każ ta' diżastri li jaffettwaw il-wirt kulturali.”

Emenda 58

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 15 – paragrafu 3 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

tiġbor u tanalizza informazzjoni validata dwar is-sitwazzjoni, flimkien mal-Istat Membri milqut, bil-għan li tiġġenera għarfien komuni tas-sitwazzjoni, u xxerrdu fost l-Istati Membri;

(b)

tiġbor u tanalizza informazzjoni validata dwar is-sitwazzjoni, flimkien mal-Istat Membru milqut, bil-għan li tiġġenera għarfien komuni tas-sitwazzjoni u r-reazzjoni għaliha , u xxerrdu direttament fost l-Istati Membri;

Emenda 59

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 9a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 16 – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

 

(9a)

Fl-Artikolu 16, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.   L-interventi taħt dan l-Artikolu jistgħu jitmexxew jew bħala intervent awtonomu ta' assistenza jew bħala kontribut għal intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali. Il-koordinazzjoni mill-Unjoni għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-koordinazzjoni globali pprovduta mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), u għandha tirrispetta r-rwol ta' tmexxija ta' dan tal-aħħar. Fil-każ ta' diżastri kkawżati mill-bniedem jew emerġenzi kumplessi, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, u tirrispetta l-prinċipji umanitarji.

 

“2.   L-interventi taħt dan l-Artikolu jistgħu jitmexxew jew bħala intervent awtonomu ta' assistenza jew bħala kontribut għal intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali. Il-koordinazzjoni mill-Unjoni għandha tkun integrata b'mod sħiħ mal-koordinazzjoni globali pprovduta mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), u għandha tirrispetta r-rwol ta' tmexxija ta' dan tal-aħħar. Fil-każ ta' diżastri kkawżati mill-bniedem jew emerġenzi kumplessi, il-Kummissjoni għandha , kemm jista' jkun, tikkonsulta mal-atturi umanitarji, inklużi dawk lokali, u tiżgura konsistenza mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, u tirrispetta l-prinċipji umanitarji.”

Emenda 60

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 10

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 17 – paragrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a)

fuq talba għal kompetenza esperta fil-prevenzjoni b'konformità mal-Artikolu 5(2);

(a)

fuq talba għal kompetenza esperta fil-prevenzjoni f'konformità mal-Artikolu 5(2) , partikolarment f'każ ta' pandemija ;

Emenda 61

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 10

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 17 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

fuq talba għal kompetenza esperta fit-tħejjija b'konformità mal-Artikolu 13(3);

(b)

fuq talba għal kompetenza esperta fit-tħejjija f'konformità mal-Artikolu 13(3) , partikolarment f'każ ta' pandemija ;

Emenda 62

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 11

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 18 – paragrafu 1 – punt aa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(aa)

tiżviluppa materjal kartografiku għall-użu u l-mobilizzazzjoni rapidi tar-riżorsi, speċjalment fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntiera għall-fini ta' riskji transkonfinali bħal nirien fil-foresti;

Emenda 63

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt ba (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 3 – subparagrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

 

(ba)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

L-allokazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 jista' jkopri wkoll spejjeż marbuta mal-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u għall-ksib tal-objettivi tiegħu.

 

“L-allokazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafi 1 u 1a ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 19a tista' tkopri wkoll spejjeż marbuta mal-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u għall-ksib tal-objettivi tiegħu.”

Emenda 64

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt bb (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(bb)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.     Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafi 1 u 1a ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 19a għandu jiġi allokat biex ikopri azzjonijiet dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem.”

Emenda 65

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt c

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

imħassar

 

“4.     Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafi 1 u 1a għandu jkun allokat biex ikopri azzjonijiet dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.”;

 

Emenda 66

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt ca (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 4

Test fis-seħħ

Emenda

 

(ca)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

4.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat, fuq il-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-perċentwali u l-prinċipji mniżżlin fl-Anness I .

 

“4.   Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat, fuq il-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-perċentwali mniżżlin fil-punt 1 tal-Anness   1 u l-prinċipji mniżżlin fil-punt 3 ta' dak l-Anness .”;

Emenda 67

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt cb (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 4a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(cb)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.     Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 19a għandu jiġi allokat, għall-perjodu mill-2021 sal-2027, skont il-perċentwali mniżżlin fil-punt 2 tal-Anness 1 u l-prinċipji mniżżlin fil-punt 3 ta' dak l-Anness.”;

Emenda 68

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt d

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafi 5 u 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

il-paragrafi 5 u 6 huma mħassra.

imħassar

Emenda 69

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt da (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 5

Test fis-seħħ

Emenda

 

(da)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi il-mod ta' tqassim imniżżel fl-Anness I fid-dawl tal-eżitu tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 34(2) . Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, fejn neċessarju, fid-dawl tar-riżultati ta' dik ir-reviżjoni , atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 30, biex taġġusta kull waħda miċ-ċifri fl-Anness  I b'aktar minn 8 punti perċentwali u sa 16-il punt perċentwali. Dawk l-atti ddelegati għandhom jiġu adottati sat-30 ta' Ġunju 2017.

 

“5.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-mod ta' tqassim imniżżel fl-Anness I fid-dawl tal-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(3) . Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, fejn neċessarju, fid-dawl ta' avvenimenti mhux mistennija li jaffettwaw l-eżekuzzjoni tal-baġit jew fid-dawl tal-istabbiliment ta' kapaċitajiet tar-rescEU , atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 30 sabiex temenda l-Anness I biex taġġusta kull waħda miċ-ċifri fil-punti 1 u 2 tal-Anness I b'aktar minn 10 punti perċentwali.”;

Emenda 70

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt db (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 6

Test fis-seħħ

Emenda

 

(db)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

6.   Meta, f'każ ta' reviżjoni neċessarja tar-riżorsi baġitarji disponibbli għall-azzjonijiet ta' reazzjoni, raġunijiet imperattivi ta' urġenza hekk jirrikjedu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati biex taġġusta kull waħda miċ-ċifri fl-Anness I b'aktar minn 8  punti perċentwali u sa 16-il punt perċentwali, fl-allokazzjonijiet baġitarji disponibbli u f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 31.

 

“6.   Meta, f'każ ta' reviżjoni neċessarja tar-riżorsi baġitarji disponibbli għall-azzjonijiet ta' reazzjoni, raġunijiet imperattivi ta' urġenza hekk jirrikjedu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Anness I biex taġġusta kull waħda miċ-ċifri fil-punti 1 u 2 tal-Anness I b'aktar minn 10  punti perċentwali, fl-allokazzjonijiet baġitarji disponibbli u f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 31.”;

Emenda 71

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 12 – punt dc (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19 – paragrafu 6a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(dc)

Fl-Artikolu 19, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6a.     Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet annwali disponibbli mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru … /… li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 u l-Ftehim Interistituzzjonali ta'… 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja soda.”

Emenda 72

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 13

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 19a – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [ERI] għandhom jiġu implimentati skont din id-Deċiżjoni permezz tal-ammonti msemmija fil-punt (iv) tal-Artikolu 3(2)(a) ta' dan ir-Regolament, soġġetti għall-Artikolu 4(4) u (8) tiegħu.

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [ERI] għandhom jiġu implimentati skont din id-Deċiżjoni b'ammont ta' EUR 2 187 620 000 fi prezzijiet attwali kif imsemmi fil-punt (iv) tal-Artikolu 3(2)(a) ta' dan ir-Regolament, soġġetti għall-Artikolu 4(4) u (8) tiegħu.

Emenda 73

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 14

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 20a – paragrafu 1 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Kwull assistenza jew finanzjament ipprovduti skont din id-Deċiżjoni għandhom jingħataw viżibilità xierqa. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjoni pubblika għal operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni:

Kwalunkwe assistenza jew finanzjament ipprovduti taħt din id-Deċiżjoni għandhom jingħataw viżibilità xierqa f'konformità mal-linji gwida speċifiċi maħruġa mill-Kummissjoni għal interventi konkreti . B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komunikazzjoni pubblika għal operazzjonijiet iffinanzjati taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni:

Emenda 74

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 14

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 20a – paragrafu 1 – subparagrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Meta l-kapaċitajiet tar-RescEU jintużaw għal finijiet nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 12(5), l-Istati Membri għandhom, permezz tal-istess mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-kapaċitajiet u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni użat biex jinkisbu dawk il-kapaċitajiet.

Emenda 75

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 15 – punt aa (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 21 – paragrafu 1 – punt h

Test fis-seħħ

Emenda

 

(aa)

Fl-Artikolu 21(1), il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(h)

l-appoġġ għall-attivitajiet ta' tħejjija deskritti fl-Artikolu 13;

 

“(h)

l-appoġġ għall-attivitajiet ta' tħejjija deskritti fl-Artikolu 13 , b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tan-networks ta' taħriġ eżistenti, is-sinerġiji bejniethom, u t-trawwim tal-ħolqien ta' networks ġodda b'attenzjoni għal soluzzjonijiet innovattivi u riskji u sfidi ġodda ;”

Emenda 76

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 15 – punt b

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 21 – paragrafu 3 – subparagrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-assistenza finanzjarja msemmija f'dan il-paragrafu tista' tiġi implimentata permezz ta' programmi ta' ħidma pluriennali. Għal azzjonijiet li jestendu lil hinn minn sena waħda, l-impenji baġitarji jistgħu jinqasmu f'pagamenti annwali.";

imħassar

Emenda 77

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 25 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni f'konformità mar-Regolament Finanzjarju b'ġestjoni diretta jew b'ġestjoni indiretta flimkien ma' korpi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c)  tar-Regolament Finanzjarju .

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni f'ġestjoni diretta f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jew f'ġestjoni indiretta mal-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1)(c)  ta' dak ir-Regolament . Meta jintgħażel il-mod ta' implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju, għandha tingħata prijorità lill-ġestjoni diretta. Meta jkun iġġustifikat min-natura u l-kontenut tal-azzjoni kkonċernata, il-Kummissjoni tista' tuża ġestjoni indiretta. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 biex tissupplimenta din id-Deċiżjoni billi tistabbilixxi azzjonijiet imwettqa fi ħdan il-Mekkaniżmu tal-Unjoni li jistgħu jiġu implimentati b'ġestjoni indiretta.

Emenda 78

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 25 – paragrafu 4 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali jew pluriennali, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2). Il-programmi ta' ħidma annwali jew pluriennali għandhom jistabbilixxu l-objettivi segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva ta' żmien ta' implimentazzjoni. Fir-rigward tal-assistenza finanzjarja msemmija fl-Artikolu 28(2), il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jiddeskrivu l-azzjonijiet previsti għall-pajjiżi msemmija fihom.

Sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 33(2). Il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jistabbilixxu l-objettivi segwiti, ir-riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u skeda indikattiva ta' żmien ta' implimentazzjoni. Fir-rigward tal-assistenza finanzjarja msemmija fl-Artikolu 28(2), il-programmi ta' ħidma annwali għandhom jiddeskrivu l-azzjonijiet previsti għall-pajjiżi msemmija fihom.

Emenda 79

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 25 – paragrafu 4 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Madankollu, l-ebda programm ta' ħidma annwali jew pluriennali ma għandu jkun meħtieġ għal azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-reazzjoni f'każ ta' diżastru stabbiliti fil-Kapitolu IV, li ma jistgħux jiġu previsti minn qabel.

Madankollu, l-ebda programm ta' ħidma annwali ma għandu jkun meħtieġ għal azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-reazzjoni f'każ ta' diżastru stabbiliti fil-Kapitolu IV, li ma jistgħux jiġu previsti minn qabel.

Emenda 80

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 18

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 25 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5.   Flimkien mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, li ma jkunux intużaw sa tmiem is-sena finanzjarja li għaliha kienu ddaħħlu fil-baġit annwali għandhom awtomatikament jiġu riportati u jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara. L-approprjazzjonijiet riportati għandhom jintużaw biss għall-azzjonijiet ta' reazzjoni. L-ammont riportat għandu jintuża l-ewwel fis-sena finanzjarja ta' wara.

5.   Flimkien mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, li ma jkunux intużaw sa tmiem is-sena finanzjarja li għaliha kienu ddaħħlu fil-baġit annwali għandhom awtomatikament jiġu riportati u jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara. L-approprjazzjonijiet riportati għandhom jintużaw għall-azzjonijiet ta' prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni. L-ammont riportat għandu jintuża l-ewwel fis-sena finanzjarja ta' wara.

Emenda 81

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 20 – punt a

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 30 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(5) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2027.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(5) , fl-Artikolu 19(5) (6), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) u fl-Artikolu 25(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2027.

Emenda 82

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 20 – punt aa (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 30 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(aa)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

Emenda 83

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 20 – punt b

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 30 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 6(5) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ

4.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 6(5) , fl-Artikolu 19(5) (6), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) u fl-Artikolu 25(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ

Emenda 84

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 20 – punt c

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 30 – paragrafu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7.   Att delegat adottat f'konformità mal-Artikolu 6(5) jew mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dan l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

7.   Att delegat adottat f'konformità mal-Artikolu 6(5) , l-Artikolu 19(5) u (6), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) jew l-Artikolu 25(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dan l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn b'inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Emenda 85

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 22a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Artikolu 34 – paragrafu 2 – subparagrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(22a)

fl-Artikolu 34(2), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Sa … [24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-deċiżjoni emendatorja], il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni kif ukoll il-koordinazzjoni u s-sinerġiji miksuba mal-Programm l-UE għas-Saħħa u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar is-saħħa, bil-ħsieb li tippreżenta proposta leġiżlattiva li tkun tinkludi l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons Sanitarju speċifiku.”

Emenda 86

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 23

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Anness I

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(23)

L-Anness I huwa mħassar.

imħassar

Emenda 87

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 23a (ġdid)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE

Anness I

Test fis-seħħ

Emenda

 

(23a)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

Anness I

“Anness I

 

Perċentwali u prinċipji għall-allokazzjoni tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 19(1) u (1a) u l-Artikolu 19a

Perċentwali għall-allokazzjoni tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 19(1)

1.

Perċentwali għall-allokazzjoni tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 19(1) għall-perjodu mill-2014 sal-2020

Prevenzjoni: 20  % +/- 8  punti perċentwali

Prevenzjoni: 10  % +/- 10  punti perċentwali

Stat ta' Tħejjija: 50  % +/- 8  punti perċentwali

Stat ta' Tħejjija: 65  % +/- 10  punti perċentwali

Reazzjoni: 30  % +/- 8  punti perċentwali

Reazzjoni: 25  % +/- 10  punti perċentwali

 

2.

Perċentwali għall-allokazzjoni tal-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 19a għall-perjodu mill-2021 sal-2027

 

Prevenzjoni: 8 % +/- 10 punti perċentwali

 

Stat ta' Tħejjija: 80 % +/- 10 punti perċentwali

 

Reazzjoni: 12 % +/- 10 punti perċentwali

Prinċipji

3.

Prinċipji

Meta timplimenta din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-azzjonijiet li għalihom din id-Deċiżjoni tistabbilixxi skadenza fil-perjodu li jwassal għall-iskadenza ta' dik l-iskadenza, bl-objettiv li tiġi sodisfatta l-iskadenza inkwistjoni.

Meta timplimenta din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-azzjonijiet li għalihom din id-Deċiżjoni tistabbilixxi skadenza fil-perjodu li jwassal għall-iskadenza ta' dik l-iskadenza, bl-objettiv li tiġi ssodisfata l-iskadenza inkwistjoni.”


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba subparagrafu (A9-0148/2020).

(1a)   Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(1a)   Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (“il-Programm l-UE għas-Saħħa”) (COM(2020)0405).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/217


P9_TA(2020)0219

Is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-16 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b'mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (COM(2019)0038 – C8-0043/2019 – 2019/0017(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 385/29)

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa - 1 (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1)

It-theddida mingħajr preċedent li ġejja mit-tibdil fil-klima tirrikjedi ambizzjoni msaħħa kif ukoll azzjoni klimatika akbar min-naħa tal-Unjoni u fil-livell globali. L-Unjoni hija impenjata li żżid l-isforzi biex tindirizza t-tibdil fil-klima u timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi  (1a) f'konformità mal-aktar xjenza reċenti disponibbli. Ir-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tal-2018 bit-titlu “Global warming of 1,5  oC” (It-Tisħin Globali ta' 1,5  oC) ikkonferma li tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet fis-setturi kollha huwa kruċjali biex nillimitaw it-tisħin globali għal anqas minn 1,5  oC. Ir-rapport speċjali tal-IPCC tal-2019 bit-titolu “The Ocean and Cryosphere in a Changing Climate” (L-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel) jiddikjara ulterjorment li l-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu fuq is-saħħa tal-oċeani u tal-ekosistemi tal-baħar li bħalissa huma affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament żejjed tal-bijodiversità tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni u l-erożjoni tal-kosta. L-IPCC ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni biex jiġu mitigati u adattati l-effetti tat-tibdil fil-klima u jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis tal-ekosistemi, kif ukoll li jittejbu l-bjar ta' karbonju naturali.

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)

It-trasport marittimu jagħmel impatt fuq il-klima globali minħabba l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mit-tbaħħir . fl-2015 ikkawża 13 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE mis-settur tat-trasport (15). It-trasport marittimu internazzjonali għadu l-uniku mezz ta' trasportazzjoni li mhuwiex inkluż fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

(1)

It-trasport marittimu għandu impatt fuq it-tibdil fil-klima, fuq il-bijodiversità tal-baħar, fuq il-kwalità tal-arja u fuq is-saħħa pubblika, b'riżultat tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u emissjonijiet oħra li jiġġenera, bħall-metan, l-ossidi tan-nitroġenu, l-ossidi tal-kubrit, il-materja partikolata u l-karbonju iswed . Fl-2015 ikkawża 13 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE mis-settur tat-trasport (15). L-emissjonijiet globali marittimi huma mistennija li jiżdiedu bejn 50 % u 250 % sal-2050  (15a) . Sakemm ma titteħidx azzjoni ulterjuri, sal-2050 l-emissjonijiet marittimi relatati maż-ŻEE huma mistennija li jiżdiedu b'86 % 'l fuq mil-livelli tal-1990, minkejja l-adozzjoni ta' standards minimi dwar l-effiċjenza tal-bastimenti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). It-trasport marittimu internazzjonali għadu l-uniku mezz ta' trasportazzjoni li mhuwiex inkluż fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Fit-13 ta' April 2018, l-OMI adottat l-Istrateġija Inizjali tagħha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti. Miżuri għall-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija huma meħtieġa b'mod urġenti kemm fil-livell globali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet immedjati biex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi, jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u jinkiseb l-objettiv ta' newtralità klimatika għall-Unjoni kollha, mingħajr ma jiġu mminati l-isforzi klimatiċi meħuda minn setturi oħra.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi qbil mal-impenn tal-koleġiżlaturi espress fir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (16) fid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew  (17) u tal-Kunsill.

(2)

Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-isforz konġunt biex it-tranżizzjoni għal emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti titlesta malajr kemm jista' jkun sa mhux aktar tard mill-2050 f'konformità mal-impenji meħuda mill-Unjoni fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 dwar it-tibdil fil-klima .

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2014 dwar qafas ta' politiki dwar il-klima l-enerġija għall-2030 appellat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffissaw mira vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 biex jitnaqqsu mill-inqas 40  % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mqabbel mal-livelli tal-1990. Il-Parlament Ewropew osserva wkoll li s-setturi kollha tal-ekonomija se jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emisssjonijiet tal-gassijiet serra biex l-Unjoni tagħti s-sehem ġust tagħha għall-isforzi globali.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 14  ta'  Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima appoġġat b'maġġoranza kbira l-objettiv li tintlaħaq in-newtralità klimatika kemm jista' jkun malajr sa mhux aktar tard mill-2050. Il-Parlament Ewropew appella wkoll ripetutament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 biex jitnaqqsu mill-inqas 55  % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Parlament Ewropew osserva wkoll li s-setturi kollha tal-ekonomija , inklużi dawk tal-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu, jeħtiġilhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra biex l-Unjoni tagħti s-sehem ġust tagħha għall-isforzi globali. L-isforzi rapidi biex is-settur tat-trasport marittimu jiġi dekarbonizzat huma aktar u aktar importanti fid-dawl tad-dikjarazzjoni mill-Parlament tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP25) f'Madrid, Spanja, saħaq fuq il-ħtieġa ta' azzjonijiet addizzjonali min-naħa tal-Unjoni biex tindirizza l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur marittimu fid-dawl tal-fatt li l-progress li sar fil-livell tal-OMI mexa bil-mod u kien insuffiċjenti. Il-Parlament Ewropew appoġġa, b'mod partikolari, l-inklużjoni tas-settur marittimu fl-iskema tal-Unjoni Ewropea għan-negozjar tal-emissjonijiet (l-“EU ETS”), kif ukoll l-introduzzjoni ta' standards ta' effiċjenza tal-bastimenti fil-livell tal-Unjoni. Politiki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ibbażati fuq is-suq waħedhom mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Unjoni, u jenħtieġ li jiġu akkumpanjati minn rekwiżiti regolatorji vinkolanti ta' tnaqqis li jiġu infurzati kif suppost.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal- 24 ta'  Ottubru 2014 , il-Kunsill Ewropew approva mira vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990 . Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll l-importanza li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-riskji marbutin mad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fis-settur tat-trasport stieden lill-Kummissjoni biex teżamina aktar l-istrumenti u l-miżuri għal approċċ komprensiv u teknoloġikament newtrali , fost oħrajn, għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet , għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u għall-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport .

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat- 12  ta'  Diċembru 2019  (1a), il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li tinkiseb Unjoni Ewropea newtrali għall-klima sal-2050 . Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li l-leġiżlazzjoni l-politiki rilevanti kollha tal-UE jeħtieġ li jkunu konsistenti mat-twettiq tal-għanijiet tan-newtralità klimatika , u jikkontribwixxu għalih , filwaqt li jiġu rrispettati kundizzjonijiet ekwi .

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 4a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)

Attwalment, it-trasport marittimu huwa l-uniku settur li mhuwiex espressament is-suġġett ta' objettiv tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jew miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tieħu miżuri addizzjonali biex tindirizza l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur marittimu, u b'mod partikolari testendi l-EU ETS għas-settur marittimu, tirregola l-aċċess tal-bastimenti l-aktar niġġiesa għall-portijiet tal-Unjoni u tobbliga lill-bastimenti rmiġġati jużaw l-elettriku max-xatt. Fil-proposta tagħha tal-4 ta' Marzu 2020 għal regolament li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)  (1a) , il-Kummissjoni tikkonferma li jeħtieġ li tittieħed azzjoni addizzjonali sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 u li kull settur se jkollu jikkontribwixxi hekk kif il-politiki attwali huma mistennija li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'60 % sal-2050.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 4b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4b)

It-tneħħija tal-ostakli tas-suq fis-settur marittimu, inkluż l-użu ta' monitoraġġ trasparenti u robust, sistema ta' rappurtar u verifika (MRV), għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-adozzjoni ta' teknoloġiji ta' effiċjenza enerġetika, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' madwar 2 % fl-emissjonijiet marittimi sal-2030. Sabiex is-settur marittimu jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-isforz mifrux fl-ekonomija kollha biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni kif ukoll il-miri tal-2030 u miri intermedjarji potenzjali oħra, hija għalhekk meħtieġa aktar azzjoni. Bħala l-istrument primarju tal-Unjoni għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tat-tniġġis tal-arja mit-trasport marittimu, ir-Regolament MRV tal-UE jikkostitwixxi bażi għal azzjoni ulterjuri. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, għalhekk, jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi rekwiżiti vinkolanti għall-kumpaniji biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom għal kull kompitu ta' trasport, u huwa wkoll meħtieġ li tiġi estiża l-EU ETS biex tkopri s-settur tat-trasport marittimu.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

F'April tal-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (20) (“ir-Regolament MRV tal-UE”), li fl-2016 ġie kkomplementat b'żewġ Regolamenti Delegati (21) u żewġ Regolamenti ta' Implimentazzjoni (22). L-għan tar-Regolament MRV tal-UE huwa li tinġabar id-data dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu għal aktar tfassil tal-politika u li jiġi inċentivat it-tnaqqis tal-emissjonijiet billi tingħata l-informazzjoni dwar l-effiċjenza tal-bastimenti lis-swieq rilevanti. Ir-Regolament MRV tal-UE jobbliga lill-kumpaniji li, mill-2018 'il quddiem, kull sena jimmonitorjaw, jirrappurtaw u jivverfikaw il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tagħhom waqt il-vjaġġi lejn u minn portijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE). Dan japplika wkoll għall-emissjonijiet tas-CO2 fil-portijiet taż-ŻEE. L-ewwel rapporti dwar l-emissjonijiet iridu jaslu sat-30 ta' April 2019.

(6)

F'April tal-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (20) (“ir-Regolament MRV tal-UE”), li fl-2016 ġie kkomplementat b'żewġ Regolamenti Delegati (21) u żewġ Regolamenti ta' Implimentazzjoni (22). L-għan tar-Regolament MRV tal-UE huwa li tinġabar id-data dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu għal aktar tfassil tal-politika u li jiġi inċentivat it-tnaqqis tal-emissjonijiet billi tingħata l-informazzjoni dwar l-effiċjenza tal-bastimenti lis-swieq rilevanti. Ir-Regolament MRV tal-UE ġie adottat bħala l-ewwel pass f'approċċ gradwali għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tat-trasport marittimu bħala parti mill-impenji tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għall-ipprezzar sussegwenti ta' dawk l-emissjonijiet f'konformità mal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”. Meta ġie adottat ir-Regolament MRV tal-UE, il-Kummissjoni impenjat ruħha li, fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi futuri dwar l-emissjonijiet marittimi, tikkunsidra liema passi li jmiss ikunu xierqa biex jiġi żgurat li s-settur jagħti kontribut ġust għall-objettivi tal-Unjoni fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, partikolarment għall-possibbiltà li l-EU ETS tiġi estiża għas-settur marittimu. Ir-Regolament MRV tal-UE jobbliga lill-kumpaniji li, mill-2018 'il quddiem, kull sena jimmonitorjaw, jirrappurtaw u jivverfikaw il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tagħhom waqt il-vjaġġi lejn u minn portijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE). Dan l-obbligu japplika wkoll għall-emissjonijiet tas-CO2 fil-portijiet taż-ŻEE. L-ewwel rapporti dwar l-emissjonijiet kellhom jaslu sat-30 ta' April 2019 u ġew ippubblikati mill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2019 .

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

Jenħtieġ li t-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-tbaħħir u l-impatt tagħhom fuq it-tisħin globali u t-tniġġis tal-arja ma jiġux implimentati b'mod li jagħmel ħsara lill-bijodiversità tal-baħar, u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn miżuri mmirati lejn il-kisba mill-ġdid tal-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta milquta mill-industrija tat-tbaħħir, bħalma huma sustanzi mormija fl-ibħra, inklużi l-ilma tas-saborra, l-idrokarburi, il-metalli tqal u s-sustanzi kimiċi, kontenituri mitlufa fil-baħar u ħabtiet ma' ċetaċji.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 6b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b)

Fis-settur marittimu, sid il-bastiment mhux dejjem ikun l-istess persuna jew entità li tkun qed topera l-bastiment b'mod kummerċjali. Għalhekk, id-data kollha rikjesta taħt ir-Regolament MRV jenħtieġ li tinġabar u tiġi attribwita lill-parti responsabbli għall-operazzjoni kummerċjali tal-bastiment, bħall-maniġer, in-nolleġġatur fuq żmien jew in-nolleġġatur tal-bastiment mingħajr ekwipaġġ.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 6c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6c)

Jenħtieġ li d-data miġbura taħt ir-Regolament MRV tal-UE tintuża biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni lejn bastimenti b'emissjonijiet żero permezz tal-istabbiliment ta' ċertifikat tal-effiċjenza enerġetika għall-bastimenti, bi skala ta' klassifikazzjoni, biex ikun jista' jsir tqabbil trasparenti tal-bastimenti, speċjalment għall-bejgħ jew għall-kiri, u biex l-Istati Membri jitħeġġu jippromwovu l-aħjar prattiki u jappoġġaw lill-aktar bastimenti effiċjenti.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 6d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6d)

It-tikketta Ewropea tat-tbaħħir għall-prodotti jenħtieġ li tiġi żviluppata mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mas-sidien tal-bastimenti, ma' partijiet ikkonċernati oħra u ma' esperti indipendenti, sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar l-impatt ambjentali tat-trasport marittimu relatat ma' prodotti li jixtru. Tali tikketta tappoġġa t-tranżizzjoni ambjentali u tal-enerġija tas-settur tat-tbaħħir billi tipprovdi mod affidabbli u trasparenti biex tinforma lill-klijenti dwar inizjattivi volontarji. Din tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jixtru prodotti ttrasportati minn sidien ta' bastimenti li jkunu naqqsu l-impatt ambjentali tagħhom, pereżempju fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tas-sustanzi li jniġġsu, it-tniġġis akustiku, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 6e (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6e)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE  (1a) tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-trasport billi tippromwovi bidla mit-trasport tal-merkanzija bit-triq għal modi ta' trasport b'inqas emissjonijiet, inklużi kurituri ta' xmajjar b'emissjonijiet żero. Hija meħtieġa reviżjoni ta' dik id-Direttiva, sabiex jiżdiedu l-isforzi biex jiġi promoss it-trasport multimodali u jiżdiedu l-effiċjenza u l-alternattivi b'emissjonijiet baxxi. It-trasport f'passaġġi fuq l-ilma b'emissjonijiet żero huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' bidla modali sostenibbli mit-toroq għal passaġġi fuq l-ilma, u għalhekk huwa meħtieġ li jiġi appoġġat l-investiment fl-infrastrutturi għar-riforniment u l-iċċarġjar f'portijiet interni.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 6f (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6f)

Il-portijiet tal-Unjoni jikkostitwixxu ċentri strateġiċi fit-tranżizzjoni tal-enerġija minħabba l-pożizzjoni ġeografika u l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Huma jirrappreżentaw il-punti ta' dħul ewlenin ta' prodotti tal-enerġija (minn importazzjoni, ħżin jew distribuzzjoni), jinvolvu ruħhom dejjem aktar fl-iżvilupp ta' siti ta' produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jiżviluppaw strateġiji ġodda ta' ġestjoni tal-enerġija u ta' ekonomija ċirkolari. Għaldaqstant, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jenħtieġ li l-Unjoni takkumpanja d-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu b'approċċ strateġiku tal-portijiet tal-Unjoni biex tappoġġa r-rwol tagħhom bħala faċilitaturi tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jistimulaw l-iżvilupp ta' portijiet b'emissjonijiet żero u jinvestu f'infrastrutturi għar-riforniment u l-iċċarġjar. Dan jiżgura benefiċċji immedjati għas-saħħa għaċ-ċittadini kollha li jgħixu f'żoni portwarji u kostali, kif ukoll jillimita l-impatti negattivi fuq il-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta f'żoni bħal dawn, li jirrappreżentaw ukoll territorji vasti ta' artijiet, li wħud minnhom huma parti min-network ta' Natura 2000.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)

L-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE jgħid li jekk ikun hemm ftehim internazzjonali dwar skema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-Kummissjoni se tirrevedi r-Regolament MRV tal-UE u, jekk ikun jixraq, tipproponi emendi biex tiżgura qbil ma' dak il-ftehim internazzjonali.

(7)

L-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE jgħid li jekk ikun hemm ftehim internazzjonali dwar skema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika, jew dwar miżuri globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni se tirrevedi r-Regolament MRV tal-UE u, jekk ikun jixraq, tipproponi emendi biex tiżgura konsistenza ma' dak il-ftehim internazzjonali. Huwa importanti li, irrispettivament minn kwalunkwe miżura globali, l-Unjoni tibqa' kapaċi tkun ambizzjuża u turi tmexxija klimatika billi żżomm jew tadotta miżuri aktar stretti fi ħdan l-Unjoni.

Emenda 17

Proposta għal regolament

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)

Skont il-Ftehim ta' Pariġi li ġie adottat f'Diċembru tal-2015 waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (23), l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom għal mira ta' tnaqqis mal-ekonomija kollha. Bħalissa qed isiru sforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u jenħtieġ li dawn l-isforzi jiġu inkoraġġuti (24). F'Ottubru tal-2016, l-OMI adottat sistema ta' ġbir tad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (“is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI”).

(8)

Skont il-Ftehim ta' Pariġi li ġie adottat f'Diċembru tal-2015 waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (23), l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom għal mira ta' tnaqqis mal-ekonomija kollha. Bħalissa qed isiru sforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u jenħtieġ li dawn l-isforzi jiġu inkoraġġuti (24). F'Ottubru tal-2016, l-OMI adottat sistema ta' ġbir tad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (“is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI”). Fit-13 ta' April 2018, l-OMI adottat ukoll strateġija inizjali dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-bastimenti (l-“Istrateġija Inizjali” tal-OMI), bil-għan li tillimita ż-żieda f'dawk l-emissjonijiet malajr kemm jista' jkun u li sal-2050 tnaqqashom b'mill-inqas 50 % meta mqabbel mal-2008, u li tkompli bl-isforzi biex gradwalment teliminahom għalkollox. Fl-istess ħin, l-Istati Membri u l-Membri Assoċjati tal-OMI, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 għal kull kompitu ta' trasport, bħala medja fit-trasport marittimu internazzjonali kollu, b'mill-inqas 40 % sal-2030, u li jagħmlu sforzi lejn tnaqqis ta' 70 % sal-2050. Għalhekk, huwa xieraq li l-elementi ċentrali tal-Istrateġija Inizjali tal-OMI jiġu inklużi fil-liġi tal-Unjoni, filwaqt li jkomplu jiġu involuti b'mod kostruttiv mal-Istati Membri tal-OMI biex jintlaħaq ftehim globali dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu obbligati jnaqqsu b'mod lineari l-emissjonijiet annwali tas-CO2 għal kull kompitu ta' trasport b'mill-inqas 40 % sal-2030 bħala medja mal-bastimenti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom, meta mqabbla mal-prestazzjoni medja għal kull kategorija ta' bastimenti tal-istess daqs u tip kif irrappurtat taħt ir-Regolament MRV. Il-linja bażi għall-miżuri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jenħtieġ li tiġi stabbilita billi tintuża d-data mit-THETIS-MRV u s-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, filwaqt li jiġi rikonoxxut bis-sħiħ it-tnaqqis tal-emissjonijiet li diġà sar minn kumpaniji “fuq quddiem fid-dekarbonizzazzjoni”. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati biex tiddefinixxi r-regoli dettaljati biex tiġi ddeterminata l-linja bażi, il-fattur ta' tnaqqis annwali għal kull kategorija ta' bastiment, ir-regoli u l-mezzi għall-kalkolu u l-ġbir tal-penali għall-emissjonijiet eċċessivi, u kwalunkwe regola oħra meħtieġa għall-konformità u l-verifika tal-konformità ma' dan l-obbligu.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

Filwaqt li qieset il-koeżistenza ta' dawn iż-żewġ sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-Kummissjoni vvalutat kif se tallinja ż-żewġ sistemi biex tnaqqas il-piż amministrattiv għall-bastimenti filwaqt li tippreserva l-għanijiet tar-Regolament MRV tal-UE, bi qbil mal-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE.

(9)

Filwaqt li qieset il-koeżistenza ta' dawn iż-żewġ sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-Kummissjoni vvalutat kif se tallinja ż-żewġ sistemi biex tnaqqas il-piż amministrattiv għall-bastimenti , speċjalment dawk bi proprjetà tal-SMEs, filwaqt li tippreserva l-għanijiet tar-Regolament MRV tal-UE, bi qbil mal-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10)

Il-valutazzjoni tal-impatt indikat li allinjament parzjali taż-żewġ sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika jista' jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji tat-trasport marittimu, filwaqt li jiġu ppreservati l-għanijiet ewlenin tar-Regolament MRV tal-UE. Madankollu, jenħtieġ li dan l-allinjament ma jbiddilx ir-rekwiżiti tat-tmexxija, tal-kamp ta' applikazzjoni ,,tal-verifika, tat-trasparenza jew tar-rappurtar tas-CO2 tar-Regolament MRV tal-UE għax dan it-tibdil ikun jimmina l-għanijiet tar-Regolament u jaffettwa l-abbiltà tiegħu li jinforma d-deċiżjonijiet futuri tat-tfassil tal-politika u li jinċentiva l-adozzjoni ta' teknoloġiji u mġiba li jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fis-settur. Għalhekk jenħtieġ li kull emenda tar-Regolament MRV tal-UE tillimita l-allinjament mas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI rigward id-definizzjonijiet, il-parametri tal-monitoraġġ, il-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ.

(10)

Il-valutazzjoni tal-impatt indikat li allinjament parzjali taż-żewġ sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika jista' jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji tat-trasport marittimu, filwaqt li jiġu ppreservati l-għanijiet ewlenin tar-Regolament MRV tal-UE. Madankollu, jenħtieġ li dan l-allinjament ma jbiddilx ir-rekwiżiti tat-tmexxija, tal-verifika, tat-trasparenza jew tar-rappurtar tas-CO2 tar-Regolament MRV tal-UE għax dan it-tibdil ikun jimmina l-għanijiet tar-Regolament u jaffettwa l-abbiltà tiegħu li jinforma d-deċiżjonijiet futuri tat-tfassil tal-politika u li jinċentiva l-adozzjoni ta' teknoloġiji u mġiba li jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fis-settur. Għalhekk jenħtieġ li kull emenda tar-Regolament MRV tal-UE tillimita l-allinjament mas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI rigward il-bastimenti koperti mir-Regolament MRV tal-UE, id-definizzjonijiet, il-parametri tal-monitoraġġ, il-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ.

Emenda 20

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12)

Jenħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI dwar id-data li trid tiġi monitorjata u rappurtata kull sena biex ikun żgurat li tinġabar data razzjonalizzata dwar l-attivitajiet tal-bastimenti li jaqgħu taħt iż-żewġ sistemi. Biex isir hekk, jenħtieġ jiġi rrappurtat il-parametru “tunnellaġġ tal-piż mejjet” iżda “il-merkanzija li tinġarr” jenħtieġ jibqa' fuq bażi volontarja . “Ħin fuq il-baħar” jenħtieġ tinbidel bid-definizzjoni tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI “sigħat tal-ivvjaġġar”. Fl-aħħar nett, il-kalkolu tad-“distanza vvjaġġata” jenħtieġ li jkun ibbażat fuq is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI (25) biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

(12)

Jenħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI dwar id-data li trid tiġi monitorjata u rappurtata kull sena biex ikun żgurat li tinġabar data razzjonalizzata dwar l-attivitajiet tal-bastimenti li jaqgħu taħt iż-żewġ sistemi. Biex isir hekk, jenħtieġ li jiġi rrappurtat il-parametru “tunnellaġġ tal-piż mejjet” kif ukoll “il-merkanzija li tinġarr”. “Ħin fuq il-baħar” jenħtieġ li tinbidel bid-definizzjoni tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI “sigħat tal-ivvjaġġar”. Fl-aħħar nett, il-kalkolu tad-“distanza vvjaġġata” jenħtieġ li jkun ibbażat fuq is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI (25) biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

Emenda 21

Proposta għal regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13)

Jenħtieġ li jiġi razzjonalizzat il-kontenut tal-pjanijiet tal-monitoraġġ biex titqies is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, għajr dawk il-partijiet tal-pjan li huma meħtieġa biex ikun żgurat li d-data b'rabta mal-Unjoni biss tiġi mmonitorjata u rrappurtata skont ir-Regolament MRV tal-UE. Għaldaqstant jenħtieġ li kull dispożizzjoni dwar “għal kull vjaġġ” tibqa' parti mill-pjan tal-monitoraġġ.

(13)

Jenħtieġ li jiġi razzjonalizzat il-kontenut tal-pjanijiet tal-monitoraġġ biex titqies is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, għajr dawk il-partijiet tal-pjan li huma meħtieġa biex ikun żgurat li d-data b'rabta mal-Unjoni biss tiġi mmonitorjata u rrappurtata skont ir-Regolament MRV tal-UE. Għaldaqstant jenħtieġ li kull dispożizzjoni dwar “għal kull vjaġġ” tibqa' parti mill-pjan tal-monitoraġġ. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tassisti wkoll lill-Istati Membri billi tikkondividi l-għarfien espert u l-prattiki tajba, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, bl-objettiv li jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi u tinkiseb data b'mod effiċjenti u sikur.

Emenda 22

Proposta għal regolament

Premessa 13a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a)

Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni fl-2013 u li takkumpanja l-proposta għar-Regolament MRV tal-UE wriet l-effikaċja tal-EU ETS għall-emissjonijiet marittimi u identifikat sistema tal-EU ETS jew fond ta' kumpens ibbażat fuq il-mira bħala l-għażliet li jistgħu jiżguraw li jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet fis-settur. Sabiex tinkludi t-tbaħħir marittimu fl-isforz tal-Unjoni biex tnaqqas l-emissjonijiet, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a tiġi emendata biex tkopri l-emissjonijiet marittimi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati biex tistabbilixxi l-kwantità totali tal-kwoti għat-trasport marittimu f'konformità ma' setturi oħra, u l-metodu ta' allokazzjoni tal-kwoti għat-trasport marittimu permezz ta' rkantar. Meta tkun qed tħejji dawk l-atti delegati, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġorna l-valutazzjoni tal-impatt tal-2013, b'mod partikolari biex tqis il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika kif definit fir-Regolament (UE) …/… [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima] u l-impatt ekonomiku, inkluż f'termini ta' riskji possibbli ta' bidliet modali mhux intenzjonati u rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika r-riżultati ta' dik il-valutazzjoni. Huwa importanti li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw miżuri fil-livell internazzjonali biex inaqqsu l-impatt tal-klima tat-trasport marittimu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina kwalunkwe progress lejn l-adozzjoni ta' miżura bbażata fuq is-suq mill-OMI, u fil-każ tal-adozzjoni ta' miżura globali bbażata fuq is-suq, tikkunsidra kif tiżgura li jkun hemm konsistenza bejn il-miżuri tal-Unjoni u l-miżuri globali b'manjiera li jiġu ppreservati l-integrità u l-effikaċja ambjentali tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Premessa 13b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13b)

Is-suċċess fit-tranżizzjoni lejn trasport marittimu b'emissjonijiet żero jirrikjedi approċċ integrat u ambjent abilitanti xieraq li jippermetti li tiġi stimulata l-innovazzjoni, kemm fuq il-bastimenti kif ukoll fil-portijiet. Dak l-ambjent abilitanti jinvolvi investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, miżuri teknoloġiċi u operazzjonali biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti, u l-użu ta' fjuwils alternattivi u teknoloġiji ta' propulsjoni sostenibbli, bħall-idroġenu u l-ammonijaka, li huma prodotti minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ta' propulsjoni b'emissjonijiet żero, inkluża l-infrastruttura meħtieġa għar-riforniment u l-iċċarġjar fil-portijiet. Jenħtieġ li jiġi stabbilit Fond tal-Oċeani mid-dħul iġġenerat mill-irkantar ta' kwoti marittimi taħt l-EU ETS biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti u jiġi appoġġat l-investiment immirat lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu, inkluż fit-tbaħħir fuq distanzi qosra u fil-portijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa wkoll miżuri li jirregolaw l-aċċess tal-aktar bastimenti li jniġġsu għall-portijiet tal-Unjoni u li jobbligaw lill-bastimenti rmiġġjati li jaħdmu bil-fjuwil jużaw l-elettriku max-xatt jew alternattivi ta' fjuwil b'emissjoijiet żero. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tobbliga lill-portijiet jivvalutaw tariffi ta' kontrostallija bbażati fuq l-emissjonijiet.

Emenda 24

Proposta għal regolament

Premessa 13c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13c)

It-tranżizzjoni b'suċċess lejn bastimenti b'emissjonijiet żero u dawk ekoloġiċi tirrikjedi approċċ integrat għall-promozzjoni ta' miżuri innovattivi għal bastimenti aktar ekoloġiċi, pereżempju fir-rigward tad-disinn tal-buq, magni ġodda u fjuwils alternattivi sostenibbli, u propulsjoni mir-riħ, u miżuri operazzjonali, li jistgħu jiġu implimentati fuq medda qasira ta' żmien biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil u b'hekk l-emissjonijiet, bħal pereżempju t-tnaqqis fil-veloċità jew l-ippjanar aħjar tar-rotot. It-tnaqqis fil-veloċità, imsejjaħ ukoll tbaħħir b'veloċità mnaqqsa (slow steaming), ġie ttestjat fuq skala kbira bejn l-2006 u l-2012 minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil: tnaqqis ta' 10 % fil-veloċità wassal għal tnaqqis fil-konsum ta' madwar 19 %  (1a) u tnaqqis korrispondenti fl-emissjonijiet. Miżuri bbażati fuq is-suq bħall-EU ETS se jinkoraġġixxu t-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti, u l-użu ta' fjuwils alternattivi u teknoloġiji ta' propulsjoni sostenibbli, inklużi l-infrastrutturi meħtieġa tar-riforniment u tal-iċċarġjar fil-portijiet u fil-portijiet interni.

Emenda 25

Proposta għal regolament

Premessa 14a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14a)

Sabiex jiġi żgurat li tinżamm kwalità għolja ta' data rappurtata fir-reġistru tat-THETIS-MRV, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) tingħata s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex tkun tista' tivverifika l-emissjonijiet irrappurtati minn verifikatur.

Emenda 26

Proposta għal regolament

Premessa 14b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14b)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-funzjonament tar-Regolament (UE) 2015/757, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament u tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, kif ukoll żviluppi rilevanti oħra mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu.

Emenda 27

Proposta għal regolament

Premessa 14c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(14c)

It-trasport marittimu huwa wkoll sors ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, bħall-ossidu tal-kubrit (SOx), l-ossidu tan-nitroġenu (NOx), il-materja partikulata (PM), is-sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ODS) u l-komposti organiċi volatili (VOC)1a. Is-sustanzi li jniġġsu fl-arja għandhom impatt negattiv kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa taċ-ċittadini, b'mod partikolari għal dawk li jgħixu jew jaħdmu fiż-żoni kostali jew portwarji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti sa' Ġunju 2021 u tagħmel proposti konkreti biex tindirizza l-problema tal-emissjonijiet li jniġġsu l-arja ġejjin mit-trasport marittimu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni taħdem ukoll fuq l-estensjoni taż-Żoni ta' Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Kubrit (SECA) u ż-Żoni ta' Kontroll tal-Emissjonijiet tal-NOx (NECA) fl-ibħra kollha Ewropej, inkluż fil-baħar Mediterran, u tkompli tindirizza l-problema tar-rimi tal-ilma tal-ħasil minn purifikaturi u r-rilaxx ta' sustanzi oħra, bħall-ilma tas-saborra, l-idrokarburi, il-metalli tqal u s-sustanzi kimiċi, f'ibħra miftuħa, u l-problema tal-impatt ta' tali sustanzi fuq il-bijodiversità tal-baħar.

Emenda 28

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15)

L-għan tar-Regolament (UE) 2015/757 huwa li jsiru monitoraġġ, rappurtar u verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti li jidħlu fil-portijiet taż-ŻEE, bħala l-ewwel pass ta' approċċ fi stadji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li titqies is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, u dan ir-Regolament jiżgura li d-data li tinġabar abbażi ta' sett wieħed ta' rekwiżiti, tibqa' tkun komparabbli u affidabbli. L-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(15)

L-għan tar-Regolament (UE) 2015/757 huwa li jsiru monitoraġġ, rappurtar u verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn bastimenti li jidħlu fil-portijiet taż-ŻEE, sabiex titnaqqas l-intensità tal-karbonju medja għal kull kompitu ta' trasport, inkluż billi jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tagħhom meta jkunu rmiġġati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur marittimu . Dan ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li titqies is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, u dan ir-Regolament jiżgura li d-data li tinġabar abbażi ta' sett wieħed ta' rekwiżiti, tibqa' tkun komparabbli u affidabbli. L-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

Emenda 29

Proposta għal regolament

Premessa 15a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(15a)

It-tranżizzjoni lejn tbaħħir newtrali għall-klima għad trid tintlaħaq u l-miżuri regolatorji f'dak ir-rigward s'issa kienu inadegwati. Il-portijiet jista' jkollhom rwol sinifikanti fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu. L-operaturi ta' bastimenti li jidħlu f'portijiet tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu obbligati li jiżguraw, permezz ta' mezzi bħall-konnessjoni għall-elettriku mix-xatt, li meta jkunu rmiġġjati, il-bastimenti tagħhom ma jipproduċux gassijiet serra jew emissjonijiet li jniġġsu l-arja. Dan ikun partikolarment importanti fil-każ ta' rmiġġi li jkunu jinsabu qrib żoni urbani, sabiex jitnaqqsu l-effetti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem. Minħabba l-impatti differenti ta' bastimenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u emissjonijiet li jniġġsu l-arja, dawk il-bastimenti li jniġġsu l-aktar, inklużi bastimenti kbar tal-passiġġieri, jenħtieġ li l-ewwel ikunu meħtieġa jikkonformaw ma' dak ir-rekwiżit.

Emenda 30

Proposta għal regolament

Premessa 15b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(15b)

Jenħtieġ li l-operaturi tal-bastimenti jiżguraw li huma joperaw il-bastimenti bl-aktar mod effiċjenti possibbli fl-użu tal-enerġija, b'tali mod li jżommu l-emissjonijiet sal-aktar livelli baxxi possibbli. Il-bennejja tal-bastimenti jenħtieġ li jiżguraw li huma jagħmlu t-tnaqqis tal-emissjonijiet prijorità meta jibnu bastimenti ġodda.

Emenda 31

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – titolu (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Emendi għar-Regolament (UE) 2015/757

Emenda 32

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu - 1 (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Ir-Regolament (UE) 2015/757 huwa emendat kif ġej:

Emenda 33

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu - 1a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Premessa 23

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-1a)     Il-premessa 23 tiġi sostitwita b'dan li ġej:

(23)

Gassijiet oħra b'effett ta' serra, sustanzi b'impatti klimatiċi jew sustanzi li jniġġsu l-arja ma għandhomx ikunu koperti mis-sistema MRV tal-Unjoni f'dan l-istadju sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti għall-installazzjoni ta' tagħmir ta' kejl li mhuwiex suffiċjentement affidabbli jew kummerċjalment disponibbli, ħaġa li tista' xxekkel l-implimentazzjoni tas-sistema MRV tal-Unjoni .

“(23)

Is-sistema MRV tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri wkoll gassijiet oħra b'effett ta' serra, sustanzi b'impatti klimatiċi u sustanzi li jniġġsu l-arja , fejn ikun jeżisti tagħmir ta' kejl suffiċjentement affidabbli jew kummerċjalment disponibbli, biex il-klima, l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem jiġu protetti aħjar .”

Emenda 34

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu - 1b (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 1

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-1b)     L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

Artikolu 1

“Artikolu 1

Suġġett

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) u ta' informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru , sabiex jippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport marittimu b'mod kosteffiċjenti .

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru . Sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni kif definit fir-Regolament (UE)…/… [il-liġi Ewropea dwar il-Klima] , filwaqt li titqies l-Istrateġija Inizjali tal-OMI dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-bastimenti adottata fit-13 ta' April 2018, dan ir-Regolament jimponi obbligi fuq il-kumpaniji biex inaqqsu l-emissjonijiet medji annwali ta' CO2 tagħhom għal kull kompitu ta' trasport f'konformità mal-Artikolu 12a .”

Emenda 35

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu - 1c (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 2 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-1c)     Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti b'aktar minn 5000 tunnellaġġ gross fir-rigward ta' emissjonijiet CO2 rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom mill-aħħar port ta' waqfa tagħhom lejn port ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u minn port ta' waqfa li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għal port ta' waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f'portijiet ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti b'tunnellaġġ gross ta' 5 000  jew aktar fir-rigward ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom mill-aħħar port ta' waqfa tagħhom lejn port ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u minn port ta' waqfa li jkun taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għal port ta' waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f'portijiet ta' waqfa taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.”

Emenda 36

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt -a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt aa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-a)

Jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

‘emissjonijiet ta' gassijiet serra’ tfisser ir-rilaxx ta' gassijiet serra minn bastimenti, kif imniżżel fl-Anness II tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*1) ;

Emenda 37

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt -aa (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt b

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-aa)

Il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(b)

“port ta' waqfa” tfisser port fejn bastiment jieqaf biex jgħabbi jew iħott merkanzija jew biex jimbarka jew jiżbarka passiġġieri; konsegwentement, waqfiet unikament għal finijiet ta' riforniment ta' fjuwil, akkwist ta' provvisti, bdil ta' ekwipaġġ, dħul f'baċiri jew tiswijiet lill-bastiment u/jew lit-tagħmir tiegħu, waqfiet f'port għaliex il-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew jinsab fil-periklu, trasbordi barra mill-portijiet, u waqfiet għall-iskop uniku ta' rifuġju minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minħabba attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ huma esklużi;

 

“(b)

‘port ta' waqfa’ tfisser port fejn bastiment jieqaf biex jgħabbi jew iħott parti sostanzjali mill-merkanzija tiegħu jew biex jimbarka jew jiżbarka passiġġieri; konsegwentement, waqfiet unikament għal finijiet ta' riforniment ta' fjuwil, akkwist ta' provvisti, bdil ta' ekwipaġġ, dħul f'baċiri jew tiswijiet lill-bastiment u/jew lit-tagħmir tiegħu, waqfiet f'port għaliex il-bastiment ikun jeħtieġ assistenza jew jinsab fil-periklu, trasbordi barra mill-portijiet, u waqfiet għall-iskop uniku ta' rifuġju minn temp ħażin jew li jsiru meħtieġa minħabba attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ huma esklużi;”

Emenda 38

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt a

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

“kumpanija” tfisser sid il-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-meniġer jew in-noleġġatur ta' bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu assumew ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-bastiment mingħand sid il-bastiment u li jkunu aċċettaw li jassumu d-doveri u r-responsabbiltajiet kollha li jimponi r-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ;

“(d)

‘kumpanija’ tfisser sid il-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer; in-nolleġġatur għal żmien speċifiku jew in-noleġġatur ta' bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu assumew ir-responsabbiltà għall-operazzjoni kummerċjali tal-bastiment mingħand sid il-bastiment u li jkunu responsabbli għall-ħlas tal-fjuwil ikkunsmat mill-bastiment ;”

Emenda 39

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt aa (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt i

Test fis-seħħ

Emenda

 

(aa)

Il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(i)

“informazzjoni oħra rilevanti” tfisser informazzjoni relatata ma' emissjonijiet ta' CO2 mill-konsum ta' fjuwils, ma' xogħol ta' trasport u mal-effiċjenza enerġetika ta' bastimenti, li tiffaċilita l-analiżi tax-xejriet fl-emissjonijiet u l-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet ta' bastimenti;

 

“(i)

‘informazzjoni oħra rilevanti’ tfisser informazzjoni relatata ma' emissjonijiet ta' CO2 mill-konsum ta' fjuwils, ma' xogħol ta' trasport , ma' provvista tal-enerġija mix-xatt għall-bastiment waqt l-irmiġġ u mal-effiċjenza enerġetika ta' bastimenti, li tiffaċilita l-analiżi tax-xejriet fl-emissjonijiet u l-valutazzjoni tal-prestazzjonijiet ta' bastimenti;”

Emenda 40

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

 

(1a)     Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.   F'konformità mal-Artikoli 8 sa 12, il-kumpanniji għandhom, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom, jimmonitorjaw u  jirrapportaw il-parametri rilevanti matul perijodu ta' rappurtar. Huma għandhom jimmonitorjaw u  jirrapportaw fil-portijiet kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u għal kull vjaġġ lejn jew minn port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.

“1.   F'konformità mal-Artikoli 8 sa 12, il-kumpaniji għandhom, għal kull wieħed mill-bastimenti taħt l-kontroll operazzjonali kummerċjali tagħhom, jimmonitorjaw u  jirrappurtaw il-parametri rilevanti matul perjodu ta' rappurtar. Huma għandhom jimmonitorjaw u  jirrappurtaw fil-portijiet kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru u għal kull vjaġġ lejn jew minn port taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru.”

Emenda 41

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1b (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 5 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1b)     Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

“2a.     Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodi għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan (CH4).

Minbarra l-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2021, tivvaluta u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt fuq il-klima globali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, minbarra s-CO2 u s-CH4, minn bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' kif jiġu ttrattati dawk l-emissjonijiet.”

Emenda 72

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt a – punt i a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 6 – paragrafu 3 – punt c a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ia)

jiżdied il-punt li ġej:

“(ca)

il-fatturi ta' emissjoni għall-fjuwils alternattivi, inkluż għall-gass naturali likwifikat, il-bijofjuwils, il-fjuwils rinnovabbli ta' oriġini mhux bijoloġika li fihom il-karbonju, għandhom jiġu espressi f'termini ekwivalenti ta' CO2 u jinkludu l-gassijiet b'effett serra kollha, u jkunu bbażati fuq analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja. Dawn il-fatturi ta' emissjoni għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 24(2);”

Emenda 42

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 3 – punt a

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 9 – paragrafu 1 – punt f

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(f)

il-merkanzija li qed tinġarr, fuq bażi volontarja;";

imħassar

Emenda 43

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 3a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 9 – paragrafu 2 – punt a

Test fis-seħħ

Emenda

 

(3a)     Fl-Artikolu 9(2), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(a)

il-vjaġġi kollha tal-bastiment matul il-perijodu ta' rappurtar jibdew minn port jew jintemmu f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru; u

“(a)

mhux inqas minn 90 % tal-vjaġġi tal-bastiment matul il-perjodu ta' rappurtar jibdew minn port jew jintemmu f'port li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru; u”

Emenda 44

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 4 – punt aa (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 10 – paragrafu 1 – punt ja (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(aa)

Jiżdied il-punt li ġej:

“(ja)

il-merkanzija li tinġarr.”

Emenda 45

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 – punt a

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 11 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Meta jkun hemm bidla tal-kumpanija, il-kumpanija ta' qabel għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-Bandiera kkonċernat, kemm jista' jkun qrib id-data meta titlesta l-bidla u mhux aktar tard minn tliet xhur warajha, li jkun fih l-istess elementi bħar-rapport dwar l-emissjonijiet iżda limitat għall-perjodu meta twettqu l-attivitajiet fir-responsabbiltà tiegħu.";

“2.   Meta jkun hemm bidla tal-kumpanija, il-kumpanija ta' qabel għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-Bandiera kkonċernat, fil-jum tat-tlestija tal-bidla jew kemm jista' jkun qrib id-data meta titlesta l-bidla u mhux aktar tard minn xahar warajha, li jkun fih l-istess elementi bħar-rapport dwar l-emissjonijiet iżda limitat għall-perjodu meta twettqu l-attivitajiet fir-responsabbiltà tiegħu . Il-kumpanija l-ġdida għandha tiżgura li kull bastiment taħt ir-reponsabbiltà tagħha jkun f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għall-bqija tal-perjodu ta' rappurtar wara l-bidla .”

Emenda 46

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 – punt ba (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 11 – paragrafu 3 – punt xi a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba)

Fil-punt (a) tal-paragrafu (3), jiżdied il-punt li ġej:

“(xia)

il-merkanzija li tinġarr;”

Emenda 47

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 – punt bb (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 11 – paragrafu 3 – punt xi b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(bb)

Fil-punt (a) tal-paragrafu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(xib)

id-daqs tal-bastiment;”

Emenda 48

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Kapitolu IIa (ġdid) – Artikolu 12a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a)     Jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IIa

TNAQQIS FL-EMISSJONIJIET

Artikolu 12a

Tnaqqis fl-emissjonijiet

1.     Il-kumpaniji għandhom inaqqsu b'mod lineari l-emissjonijiet annwali ta' CO2 għal kull kompitu ta' trasport b'mill-inqas 40 % sal-2030 bħala medja mal-bastimenti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom, meta mqabbla mal-prestazzjoni medja għal kull kategorija ta' bastimenti tal-istess daqs u tip kif irrappurtat taħt dan ir-Regolament.

2.     Meta, f'sena partikolari, kumpanija tonqos milli tikkonforma mat-tnaqqis annwali msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha timponi penali finanzjarja, li għandha tkun effettiva, proporzjonata, dissważiva u kompatibbli ma' sistema ta' negozjar ta' emissjonijiet ibbażata fuq is-suq, bħall-EU ETS . Il-ħlas tal-penali ta' emissjonijiet żejda ma teħlisx lill-kumpanija mill-obbligu tagħha skont il-paragrafu 1 għall-perjodu sal-2030. Fil-każ ta' kumpaniji li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-limiti ta' emissjonijiet stabbiliti taħt dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3) u 20(4).

3.     Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddefinixxi l-kategoriji ta' bastimenti msemmija fil-paragrafu 1, billi tiddetermina l-linja bażi u l-fattur lineari annwali ta' tnaqqis li għandu jiġi applikat għal kull kategorija ta' bastiment billi tuża d-data mingħand it-THETIS-MRV, inkluż il-parametru obbligatorju tal-‘merkanzija li tinġarr’, u s-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, filwaqt li jiġi rikonoxxut b'mod sħiħ it-tnaqqis tal-emissjonijiet li diġà jkun sar mill-kumpaniji ‘fuq quddiem fid-dekarbonizzazzjoni’, sabiex tintlaħaq il-mira msemmija fil-paragrafu 1, billi jiġu speċifikati r-regoli u l-mezzi għall-kalkolu u l-ġbir tal-penali għal emissjonijiet eċċessivi msemmija fil-paragrafu 2, u billi tiġi speċifikata kwalunkwe regola oħra meħtieġa għall-konformità u l-verifika tal-konformità ma' dan l-Artikolu.

4.     Fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-OMI ta' miżuri biex tiġi implimentata l-Istrateġija Inizjali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn bastimenti adottati fit-13 ta' April 2018 u qabel ma dawk il-miżuri jidħlu fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha teżamina l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ġenerali tal-miżuri deċiżi mill-OMI, inkluża l-ambizzjoni ġenerali tagħhom b'rabta mal-miri skont il-Ftehim ta' Pariġi, mal-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mal-ekonomija kollha għall-2030 u mal-objettiv ta' newtralità klimatika kif definit fir-Regolament (UE)…/… [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima]

5.     Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' takkumpanja r-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 bi proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex dan ir-Regolament jiġi emendat b'mod li jkun konsistenti mal-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effikaċja tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, b'mod partikolari l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mal-ekonomija kollha tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika kif definit fir-Regolament (UE)…/… [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima].”

Emenda 49

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 b (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 12b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5b)     Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 12b

Emissjonijiet minn bastimenti fil-post ta' rmiġġ

Il-kumpaniji għandhom jiżguraw li, sal-2030, l-ebda bastiment li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tagħhom ma joħroġ emissjonijiet ta' gassijiet serra meta jkun fil-post ta' rmiġġ.”

Emenda 50

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 c (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 1

Test fis-seħħ

Emenda

 

(5c)     Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet CO2 rrappurtati f'konformità mal-Artikolu 11 kif ukoll l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

“1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni rrappurtata f'konformità mal-Artikolu 11 kif ukoll l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.”

Emenda 51

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 5 d (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt a

Test fis-seħħ

Emenda

 

(5d)     Fl-Artikolu 21, il-punt (a) tal-paragrafu 2 hu sostitwit b'dan li ġej:

(a)

l-identità tal-bastiment (l-isem, in-numru ta' identifikazzjoni tal-IMO u l-port fejn hu rreġistrat jew il-port ta' domiċilju);

“(a)

l-identità tal-bastiment (l-isem, il-kumpanija, in-numru ta' identifikazzjoni tal-OMI u l-port fejn hu rreġistrat jew il-port ta' domiċilju);”

Emenda 74

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 a (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt d

Test fis-seħħ

Emenda

 

(6a)     Fl-Artikolu 21(2), il-punt (d) huwa emendat kif ġej:

(d)

it-total annwali tal-konsum tal-fjuwil għal vjaġġi;

(d)

it-total annwali tal-konsum tal-fjuwil għal vjaġġi , għal kull tip ta' fjuwil ;

Emenda 52

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 b (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt ka (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b)     Fl-Artikolu 21, paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(ka)

id-daqs tal-bastiment.”

Emenda 76

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 c (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt k b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6c)     Fl-Artikolu 21(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(kb)

id-distanza totali”;

Emenda 77

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 d (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt k c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6d)     Fl-Artikolu 21(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(kc)

tunnellaġġ tal-piż mejjet;”

Emenda 78

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 e (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt k d (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6e)     Fl-Artikolu 21(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(kd)

ix-xogħol ta' trasport;”

Emenda 79

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 f (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt k e (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6f)     Fl-Artikolu 21(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(ke)

l-isem ta' sid il-bastiment;”

Emenda 80

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 g (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 2 – punt k f (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6 g)     Fl-Artikolu 21(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(kf)

il-merkanzija li tinġarr.”

Emenda 53

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 h (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21 – paragrafu 6a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6h)     Fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6a.     F'konformità mal-programm ta' ħidma 2020-2022 tagħha, l-EMSA għandha twettaq verifiki statistiċi ulterjuri tad-data ppreżentata skont l-Artikolu 11(1) biex tiżgura li d-data pprovduta tkun konsistenti.”

Emenda 54

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 i (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 21a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6i)     Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Tikkettar tal-prestazzjoni ambjentali ta' bastimenti

1.     Sabiex jiġi inċentivat it-tnaqqis tal-emissjonijiet u tiżdied it-trasparenza tal-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema olistika tat-tikkettar tal-Unjoni għall-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti li għandha tapplika għall-bastimenti koperti minn dan ir-Regolament.

2.     Sal-1 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati tal-funzjonament tas-sistema ta' tikkettar tal-Unjoni għall-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti kif ukoll l-istandards tekniċi li jikkostitwixxu l-bażi tagħha.”

Emenda 55

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 j (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 22 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6j)     Fl-Artikolu 22, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

Emenda 56

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 k (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 22a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6k)     Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Rieżami

1.     Sal-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-funzjonament ta' dan ir-Regolament filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll żviluppi oħra rilevanti li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mit-trasport marittimu u li jissodisfaw l-impenji meħuda mill-Unjoni taħt il-Ftehim ta' Pariġi. Bħala parti mir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tipproponi rekwiżiti addizzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra minbarra s-CO2, kif ukoll biex jitnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu l-arja u r-rimi tal-ilma mormi, inkluż mill-purifikaturi, f'ibħra miftuħa mill-bastimenti. Ir-rieżami għandu jikkunsidra wkoll l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament biex jinkludi bastimenti ta' bejn 400 u 5 000  tunnellaġġ gross. Ir-rieżami għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex dan ir-Regolament jiġi emendat.

2.     Bħala parti mir-rieżami li jmiss tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*2) u r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*3) , il-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel proposta biex tistabbilixxi miri vinkolanti biex l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm provvista adegwata ta' elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u interni.

Emenda 57

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 l (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 23 – paragrafu 2

Test fis-seħħ

Emenda

 

(6l)     Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu .

“2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 5(2), 5(2a), 12a(3), 15(5) u 16(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-1 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu .”

Emenda 58

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 m (ġdid)

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 23 – paragrafu 3

Test fis-seħħ

Emenda

 

(6m)     Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

“3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 5(2), 5(2a),12a(3), 15(5) u 16(3) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

Emenda 59

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 6 n

Regolament (UE) 2015/757

Artikolu 23 – paragrafu 5

Test fis-seħħ

Emenda

 

(6n)     Fl-Artikolu 23, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2), 15(5) u 16(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 5(2), 5(2a), 12a(3), 15(5) u 16(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

Emenda 60

Proposta għal regolament

Artikolu 1 a (ġdid)

Direttiva 2003/87/KE

Kapitolu II a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

"Artikolu 1a

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IIA

TRASPORT MARITTIMU

Artikolu 3ga

Kamp ta' applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2022 għall-ħruġ u l-allokazzjoni ta' kwoti fir-rigward ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra minn bastimenti li jaslu jew ikunu f'portijiet, jew jitilqu minn portijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru kopert mir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*4) . Meta jkun hemm bidla ta' kumpanija skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2015/757, il-kumpanija l-ġdida għandha tkun meħtieġa biss li takkwista kwoti fir-rigward tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra relatati mal-perjodu li matulu twettqu l-attivitajiet tal-bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Artikolu 3gb

Kwantità totali u metodu ta' allokazzjoni tal-kwoti għat-trasport marittimu

1.     Sal-31 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-valutazzjoni tal-impatt li twettqet fl-2013 u l-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*5) li takkumpanjah u tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-kwantità totali ta' kwoti għat-trasport marittimu f'konformità ma' setturi oħra u l-metodu ta' allokazzjoni tal-kwoti għat-trasport marittimu permezz ta' rkantar, kif ukoll billi tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw l-Istat Membru amministattiv. L-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar data disponibbli u fuq valutazzjoni tal-impatt ta' għażliet differenti, inkluż l-impatt fuq l-emissjonijiet kif ukoll fuq l-impatt ekonomiku.

2.     L-Artikoli 12 u 16 għandhom japplikaw għall-kwoti għat-trasport marittimu bl-istess mod bħall-kwoti relatati ma' attivitajiet oħra.

3.     Mill-inqas 50 % tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jintuża mill-Fond stabbilit skont l-Artikolu 3gc.

4.     Id-dħul iġġenerat mill-irkantar ta' kwoti li ma jintużax permezz tal-Fond definit fl-Artikolu 3gc u li huwa allokat lill-Istati Membri għandu jintuża b'mod li jkun konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi, biex jiġu protetti u jerġgħu jinkisbu mill-ġdid l-ekosistemi tal-baħar milquta mit-tisħin globali, u biex tiġi appoġġata tranżizzjoni ġusta fl-Istati Membri, jiġu appoġġati r-riallokazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, l-inizjattivi ta' tfittxija ta' impjieg u n-negozji ġodda, fi djalogu mas-sħab soċjali. L-informazzjoni kollha dwar l-użu ta' dak id-dħul għandha ssir pubblika.

5.     Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu u x-xejriet possibbli fir-rigward tal-kumpaniji li jfittxu li jevitaw li jkunu marbuta bir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri għall-prevenzjoni ta' dan.

Artikolu 3gc

Fond tal-Oċeani

1.     Għandu jiġi stabbilit Fond tal-Oċeani (il-“Fond”) għall-perjodu mill-2022 sal-2030 biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti u jiġi appoġġat l-investiment f'teknoloġiji u infrastruttura innovattivi għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport marittimu, inkluż fit-trasport marittimu fuq distanzi qosra u fil-portijiet, u l-użu ta' fjuwils alternattivi sostenibbli, bħall-idroġenu u l-ammonijaka, li huma prodotti minn sorsi rinnovabbli, u ta' teknoloġiji bi propulsjoni b'emissjonijiet żero, inklużi t-teknoloġiji tar-riħ. 20 % tad-dħul taħt il-Fond għandu jintuża biex jikkontribwixxi għall-protezzjoni, il-kisba mill-ġdid u l-ġestjoni aħjar tal-ekosistemi tal-baħar milquta mit-tisħin globali, bħal żoni protetti tal-baħar; u biex tiġi promossa ekonomija blu trasversali u sostenibbli bħall-enerġija tal-baħar rinnovabbli. L-investimenti kollha appoġġati mill-Fond għandhom jiġu ppubblikati u għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Direttiva.

2.     B'deroga mill-Artikolu 12 ta' din id-Direttiva, jista' jkun previst il-ħlas ta' kontribuzzjoni annwali ta' sħubija lill-Fond min-naħa tal-kumpaniji tat-trasport marittimu f'konformità mal-emissjonijiet totali tagħhom għas-sena kalendarja preċedenti skont ir-Regolament (UE) 2015/757 biex jiġi limitat il-piż amministrattiv għall-kumpaniji, inklużi l-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u l-kumpaniji li mhumiex attivi frekwentement fil-qafas tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Fond għandu jċedi l-kwoti kollettivament f'isem il-kumpaniji tat-trasport marittimu li jkunu membri tal-Fond. Il-kontribuzzjoni tas-sħubija għal kull tunnellata ta' emissjonijiet għandha tiġi stabbilita mill-Fond sat-28 ta' Frar ta' kull sena, iżda għandha tkun mill-inqas ekwivalenti għall-ogħla prezz saldu primarju jew sekondarju reġistrat tas-suq għall-kwoti fis-sena preċedenti.

3.     Il-Fond għandu jakkwista kwoti ekwivalenti għall-kwantità totali kollettiva ta' kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu matul is-sena kalendarja preċedenti u għandu jċedihom lir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 19 ta' din id-Direttiva sat-30 ta' April ta' kull sena biex sussegwentement jiġu kkanċellati. L-informazzjoni kollha dwar dawn il-kontribuzzjonijiet għandha ssir pubblika.

4.     Il-Fond għandu jkun ġestit ċentralment permezz ta' korp tal-Unjoni li l-istruttura ta' governanza tiegħu tkun simili għall-governanza tal-fond previst fl-Artikolu 10a(8) ta' din id-Direttiva. Il-proċess ta' governanza u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu trasparenti u inklużivi, b'mod partikolari fl-istabbiliment ta' oqsma ta' prijorità, kriterji u proċeduri ta' allokazzjoni ta' għotjiet. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti għandu jkollhom rwol konsultattiv xieraq. L-informazzjoni kollha dwar l-investimenti u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar il-funzjonament tal-Fond għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

5.     Il-Kummissjoni għandha tinvolvi ruħha ma' pajjiżi terzi fir-rigward ta' kif jistgħu jagħmlu użu mill-Fond ukoll.

6.     Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva b'rabta mal-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 3gd

Rappurtar u rieżami mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni tal-klima fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

1.     Fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-OMI ta' miżuri globali bbażati fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn bastimenti marittimi, u qabel ma dawk il-miżuri jsiru operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha teżamina l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ġenerali ta' dawk il-miżuri, inkluż l-ambizzjoni ġenerali tagħhom b'rabta mal-miri skont il-Ftehim ta' Pariġi, u mal-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha għall-2030 u mal-objettiv ta' newtralità klimatika kif definit fir-Regolament (UE)…/… [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima] Dak ir-rapport għandu jqis b'mod partikolari l-livell ta' parteċipazzjoni f'dawk il-miżuri globali, l-infurzabbiltà tagħhom, it-trasparenza, il-penali għan-nuqqas ta' konformità, il-proċessi għall-input pubbliku, l-użu ta' krediti ta' kumpens, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri, l-obbligu ta' rendikont kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tal-bijofjuwils.

2.     Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 bi proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex din id-Direttiva tiġi emendata b'mod li jkun konsistenti mal-għan li tiġi ppreservata l-integrità ambjentali u l-effikaċja tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, b'mod partikolari l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mal-ekonomija kollha tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika kif definit fir-Regolament (UE)…/… [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima]


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba subparagrafu (A9-0144/2020).

(1a)   Il-Ftehim ta' Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(15)  https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/transport-emissions-of-greenhouse-gases/transport-emissions-of-greenhouse-gases-10.

(15)  https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/transport-emissions-of-greenhouse-gases/transport-emissions-of-greenhouse-gases-10.

(15a)   https://gmn.imo.org/wp-content/uploads/2017/05/GHG3-Executive-Summary-and-Report_web.pdf.

(16)   Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(17)   Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdied it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).

(1a)   https://www.consilium.europa.eu/media/41768/12-euco-final-conclusions-en.pdf

(1a)   https://ec.europa.eu/info/files/commission-proposal-regulation-european-climate-law_mt

(20)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(21)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 tat-22 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet ta' verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 5); Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2071 tat-22 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 1).

(22)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar il-mudelli għall-pjanijiet ta' monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet u għad-dokumenti ta' konformità skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 1); Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 22)

(20)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(21)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 tat-22 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet ta' verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 5); Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2071 tat-22 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta' informazzjoni rilevanti oħra (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 1).

(22)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar il-mudelli għall-pjanijiet ta' monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet u għad-dokumenti ta' konformità skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 1); Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar id-determinazzjoni ta' merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta' bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 22)

(1a)   Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

(23)  Il-Ftehim ta' Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(24)  Ir-Riżoluzzjoni MEPC.278 (70) tal-OMI li temenda l-Anness VI tal-MARPOL.

(23)  Il-Ftehim ta' Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(24)  Ir-Riżoluzzjoni MEPC.278 (70) tal-OMI li temenda l-Anness VI tal-MARPOL.

(25)  Ir-Riżoluzzjoni MEPC 282 (70) tal-OMI.

(25)  Ir-Riżoluzzjoni MEPC 282 (70) tal-OMI.

(1a)   “The impact of international shipping on European air quality and climate forcing” (L-impatt tat-tbaħħir internazzjonali fuq il-kwalità tal-arja u l-isfurzar klimatiku fl-Ewropa), l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Rapport tekniku Nru 4/2013.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/256


P9_TA(2020)0220

Abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (10025/2020 – C9-0215/2020 – 2018/0135(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

(2021/C 385/30)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10025/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0215/2020),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: it-tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020 (1) u dwar riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji (3),

wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini (5),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa” (COM(2020)0442),

wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, ippubblikati f'Diċembru 2016 u ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'Jannar 2017,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju 2020 (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0146/2020),

1.

Japprova l-abbozz tal-Kunsill kif emendat;

2.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz tiegħu b'mod sostanzjali;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda 1

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 1a (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(1a)

Din id-Deċiżjoni tipprevedi l-bażi ġuridika biex il-Kummissjoni tissellef fondi fis-swieq kapitali sabiex tiffinanzja n-nefqa fil-qafas tal-Pakkett għall-Irkupru Next Generation EU. L-ispejjeż relatati tal-kapital u l-imgħax tal-ħlas lura jridu jiġu ffinanzjati mill-ġdid mill-baġit tal-Unjoni f'perjodu ta' żmien iddefinit minn qabel skont il-maturitajiet tal-bonds maħruġa u l-istrateġija għall-ħlas lura tad-dejn. Jenħtieġ li dawn l-ispejjeż ma jwasslux għal tnaqqis indebitu fin-nefqa tal-programm jew l-istrumenti ta' investiment skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), u lanqas ma jirriżultaw f'żidiet qawwija fil-kontribuzzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, u sabiex jissaħħu l-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-pjan ta' ħlas lura Next Generatoin EU, tali spejjeż għandhom ikunu koperti kompletament minn dħul minn riżorsi proprji ġenwini ġodda. L-approprjazzjonijiet tan-nefqa relatati jenħtieġ li jingħaddu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, kif previst fir-Regolament QFP il-ġdid.

Emenda 2

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 1b (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(1b)

Kwalunkwe ammont iġġenerat minn riżorsi proprji ġodda lil hinn mil-livell meħtieġ biex jiġu koperti l-obbligi ta' ħlas lura f'sena partikolari jenħtieġ li jibqa' fil-baġit tal-Unjoni bħala dħul ġenerali. Wara tmiem il-pjan ta' ħlas lura, dawk ir-riżorsi proprji jenħtieġ li jkomplu jiffinanzjaw il-baġit tal-Unjoni bħala dħul ġenerali. L-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi proprji ġodda jenħtieġ li tiggarantixxi l-livell xieraq ta' finanzjament tal-infiq tal-Unjoni fil-QFP, filwaqt li ttaffi l-predominanza tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-ING fil-finanzjament tal-baġit annwali tal-Unjoni, u b'hekk tnaqqas il-kunċett tal-baġit tal-Unjoni bħala “logħba b'somma żero” immarkata mir-rutini “juste retour”. Dan min-naħa tiegħu jista' jiffaċilita ffukar aħjar tan-nefqa fil-livell tal-Unjoni fuq oqsma ta' prijorità u beni pubbliċi komuni b'kisbiet kbar fl-effiċjenza meta mqabbel mal-infiq nazzjonali.

Emenda 3

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 1c (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(1c)

Sabiex ir-rikavati tagħhom ikunu disponibbli meta jaslu l-obbligi tal-imgħax u tal-ħlas lura, il-kategoriji l-ġodda ta' riżorsi proprji jenħtieġ li jiġu introdotti mill-2021. Ir-riżorsi proprji l-ġodda jenħtieġ li jkunu allinjati mal-objettivi ta' politika tal-Unjoni u jenħtieġ li jappoġġaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-funzjonament tas-suq uniku, kif ukoll l-isforzi biex tittejjeb l-effettività tat-tassazzjoni korporattiva u biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa. Il-Parlament Ewropew, fir-Rapport Interim tiegħu dwar ir-Riżorsi Proprji tal-QFP tiegħu ta' Novembru 2018, diġà approva basket possibbli ta' riżorsi proprji ġodda u dħul ieħor li juru tali karatteristiċi; dak il-basket jista' jitkabbar biex jinkludi aktar għażliet.

Emenda 4

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 5

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(5)

Is-sistema preżenti għad-determinazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT ġiet ikkritikata ripetutament mill-Qorti tal-Awdituri, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri bħala kkumplikata wisq. Il-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020 għalhekk ikkonkluda li huwa xieraq li jiġi ssimplifikat il-kalkolu ta' dik ir-riżorsa proprja.

(5)

Ir-riżorsa proprja bbażata fuq Taxxa fuq il-Valur Miżjud hija sors ta' introjtu stabbilit sew għall-baġit tal-Unjoni u jenħtieġ li tkompli tirrifletti r-rabta intrinsika bejn il-konsumaturi fis-suq uniku u l-finanzi pubbliċi tal-Unjoni. Madankollu, is-sistema preżenti għad-determinazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT ġiet ikkritikata ripetutament mill-Qorti tal-Awdituri, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri bħala kkumplikata wisq. Huwa għalhekk xieraq li jiġi ssimplifikat il-kalkolu ta' dik ir-riżorsa proprja.

Emenda 5

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 6

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(6)

Sabiex l-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni jiġu allinjati aħjar mal-prijoritajiet politiċi tagħha, sabiex jirriflettu aħjar ir-rwol tal-baġit tal-Unjoni fil-funzjonament tas-Suq Uniku, jappoġġaw aħjar l-objettivi tal-politiki tal-Unjoni u  jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq id- Dħul Nazzjonali Gross ( DNG ) lill-baġit annwali tal-Unjoni, il-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020 ikkonkluda li fis-snin li ġejjin l-Unjoni kienet ser taħdem biex tirriforma s-sistema tar-riżorsi proprji u  tintroduċi riżorsi proprji ġodda.

(6)

Sabiex jiġu ffinanzjati mill-inqas l-ispejjeż tal-kapital u l-imgħax tal-ħlasijiet lura tal-Istrument tal-Unjoni għall-Irkupru, biex l-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni jkunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet ta' politika tagħha, sabiex jiġi rifless aħjar ir-rwol tal-baġit għall-funzjonament tas-Suq Uniku, sabiex jiġu sostnuti aħjar l-objettivi tal-politiki tal-Unjoni , bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew t-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li tiġi mitigata l-predominanza tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq id-DNG għall-baġit annwali tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu introdotti kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji bbażati fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporativa, id-dħul nazzjonali li ġej mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u kontribuzzjoni nazzjonali kkalkulata fuq il-bażi ta' skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat, bit-tħeġġiġ ta' ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, riżorsi proprji ġodda bbażati fuq Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera, b'kompatibbiltà sħiħa mar-regoli tad-WTO, taxxa fuq is-servizzi diġitali u Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, implimentati preferibbilment skont skema maqbula mill-Istati Membri kollha, jenħtieġ li jiġu introdotti għal dan il-għan malli jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet leġiżlattivi sottostanti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel il-proposti leġiżlattivi neċessarji għal dawk ir-riżorsi proprji l-ġodda u riżorsi proprji ġodda potenzjali oħra, li jappoġġaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll il-funzjonament tas-suq uniku u l-isforzi biex tittejjeb l-effikaċja tat-tassazzjoni korporattiva, kemm jista' jkun malajr. Ir-riżorsi proprji ġodda potenzjali diġà kkomunikati mill-Kummissjoni, bħall-imposta tas-suq uniku, jenħtieġ li jiġu vvalutati aktar qabel ma jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 6

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 7

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(7)

Bħala l-ewwel pass, jenħtieġ li tiġi introdotta kategorija ġdida ta' riżorsi proprji bbażata fuq kontribuzzjoni nazzjonali kkalkulata abbażi tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat. F'konformità mal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-plastik, il-baġit tal-Unjoni jista' jikontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis minn skart mill-imballaġġ tal-plastik. Riżorsa Proprja li tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni nazzjonali li tkun proporzjonali għall-kwantità ta' skart minn pakketti tal-plastik li ma jkunx riċiklat f'kull Stat Membru se tipprovdi inċentiv biex jitnaqqas il-konsum ta' plastik b'użu wieħed, jiġi promoss ir-riċiklar u tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari. Fl-istess ħin, l-Istati Membri se jkunu liberi li jieħdu l-miżuri l-aktar xierqa sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sabiex jiġi evitat impatt eċċessivament rigressiv fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali, jenħtieġ li jiġi applikat mekkaniżmu ta' aġġustament bi tnaqqis annwali ta' somma f'daqqa lill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bi DNG per capita fl-2017 anqas mill-medja tal-UE. Jenħtieġ li t-tnaqqis jikkorrispondi għal 3,8  kg immultiplikati bil-popolazzjoni fl-2017 tal-Istati Membri kkonċernati.

(7)

F'konformità mal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-plastik, il-baġit tal-Unjoni jista' jikontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis minn skart mill-imballaġġ tal-plastik u jikseb il-miri tar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ . Riżorsa Proprja li tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni nazzjonali li tkun proporzjonali għall-kwantità ta' skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat f'kull Stat Membru se tipprovdi inċentiv biex jitnaqqas il-konsum ta' plastik b'użu wieħed, jiġi promoss ir-riċiklar u tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi metodu ta' kalkolu ssimplifikat, kif ukoll mekkaniżmi ta' reġistrazzjoni u ta' kontroll effettivi. Fl-istess ħin, l-Istati Membri se jkunu liberi li jieħdu l-miżuri l-aktar xierqa sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minħabba li dik il-kontribuzzjoni hija maħsuba biex tkun riżorsa proprja li tibni fuq il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, jenħtieġ li ma tkun soġġetta għall-ebda mekkaniżmu ta' korrezzjoni.

Emenda 7

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 7a (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(7a)

L-Unjoni tqis bħala prijorità l-kisba tal-mira tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' mill-anqas 40 % bejn l-1990 u l-2030 skont l-impenji tagħha fil-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Is-Sistema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) hija wieħed mill-istrumenti ewlenin li ġew stabbiliti għall-implimentazzjoni ta' dak l-objettiv u tiġġenera dħul permezz tal-irkant ta' kwoti ta' emissjonijiet. Meta jitqiesu n-natura armonizzata tal-ETS kif ukoll l-iffinanzjar ipprovdut mill-Unjoni biex tiġi promossa t-taffija u l-isforzi ta' adattament fl-Istati Membri, ikun xieraq li tiġi introdotta riżorsa proprja għall-baġit tal-Unjoni f'dak il-kuntest. Jenħtieġ li dik ir-riżorsa proprja tkun ibbażata fuq il-kwoti li jkunu se jiġu rkantati mill-Istati Membri, inkluża l-allokazzjoni tranżitorja b'xejn lis-settur tal-enerġija. Jenħtieġ li, sabiex jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti Stati Membri skont kif stipulat fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1a) , il-kwoti ridistribwiti għall-iskopijiet tas-solidarjetà, it-tkabbir u l-interkonnessjoni, kif ukoll kwoti ddedikati għall-Fond ta' Innovazzjoni u l-Fond ta' Modernizzazzjoni ma jitqisux meta tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni tar-riżorsa proprja. Ir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ETS jenħtieġ li tkun iddefinita wkoll b'mod li jinkludi d-dħul addizzjonali potenzjali li jirriżulta mill-espansjoni futura tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva ETS għal setturi jew reġjuni ġeografiċi ġodda, filwaqt li tiġi żgurata l-kompetittività tal-Unjoni.

Emenda 8

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 8

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(8)

Il-Kunsill Ewropew tas-17 u l-21 ta' Lulju 2020 innota li, bħala bażi għal riżorsi proprji addizzjonali, fl-ewwel semestru tal-2021 il-Kummissjoni ser tressaq proposti dwar mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera u imposta diġitali bil-ħsieb tal-introduzzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2023. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta riveduta dwar Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, li possibbilment testendiha għas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu. Ikkonkluda li tul il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-perijodu 2021-2027, l-Unjoni ser taħdem biex tintroduċi riżorsi proprji oħra li jistgħu jinkludu Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji.

(8)

Ir-riżorsi proprji addizzjonali rikjesti jenħtieġ li jiġu introdotti sa mhux aktar tard mill-2028 skont kalendarju legalment vinkolanti miftiehem stabbilit f'din id-Deċiżjoni, li għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni sottostanti tkun tista' tiġi adottata fil-ħin u ssir operattiva sabiex ir-rikavati jkunu disponibbli meta sseħħ l-ispiża. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tressaq proposti leġiżlattivi għal dak il-għan. Ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jenħtieġ li jistabbilixxi arranġamenti aktar dettaljati u dispożizzjonijiet oħra relatati ma' dak il-kalendarju legalment vinkolanti bħad-dati tad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni retroattiva possibbli ta' ċerti riżorsi proprji ġodda.

Emenda 9

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 8a (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(8a)

Bħala l-ewwel pass, il-kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat se tikkumplementa r-riżorsi proprji eżistenti minn Jannar 2021. Barra minn hekk, 30 % tad-dħul mill-irkantar tal-ETS se jikkostitwixxi introjtu ġenerali għall-baġit tal-Unjoni mill-2021. Bħala t-tieni pass, il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti meħtieġa biex it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF) tinbidel f'bażi għal riżorsa proprja mill-2024. Il-Kummissjoni se tressaq ukoll proposti leġiżlattivi matul l-ewwel semestru tal-2021 biex tintroduċi riżorsi proprji ġodda bbażati fuq il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) u fuq imposta diġitali. Ir-rikavat se jsir disponibbli mill-2023. Jekk is-CBAM jieħu l-forma ta' tariffi doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet, ikun kopert mil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali u ma jkunx jeħtieġ deċiżjoni separata dwar ir-riżorsi proprji. Jekk is-CBAM jieħu l-forma ta' estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ETS, jenħtieġ li jkun kopert bis-sħiħ mir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ETS. Bħala t-tielet pass, u bħala parti mir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali fl-ewwel semestru tal-2024, il-Kummissjoni se tagħmel aktar proposti ġodda jew tirriformula proposti eżistenti biex il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) tinbidel f'bażi għal riżorsa proprja. Il-leġiżlazzjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-ħin biex id-dħul minn dawn ir-riżorsi proprji ġodda jkun disponibbli mill-2026. Ir-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa mhux se jkollhom jiġu applikati b'mod retroattiv.

Emenda 10

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 9

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(9)

Il-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta' Lulju 2020 ikkonkluda li jenħtieġ li l-arranġamenti tar-riżorsi proprji jimxu fuq l-objettivi globali tas-sempliċità, it-trasparenza u l-ekwità, inkluż il-qsim ġust tal-piżijiet. Ikkonkluda wkoll li d-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, u fil-kuntest tal-appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza, anki l-Ġermanja, ser jibbenefikaw minn korrezzjonijiet b'somma f'daqqa għall-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom ibbażati fuq id-DNG għall-perijodu 2021-2027.

(9)

Ribassi u mekkaniżmi korrettivi oħra jenħtieġ li jiġi aboliti.

Emenda 11

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 9a (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(9a)

L-Unjoni se taħdem għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda addizzjonali potenzjali matul is-snin li ġejjin u qabel l-2028. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jissuġġerixxu riżorsa proprja ġdida, il-Kummissjoni se tivvalutaha.

Emenda 12

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 9b (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(9b)

Fid-dawl ta' deliberazzjonijiet futuri dwar bidliet fit-trattati, u bl-użu tal-momentum tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, il-leġittimità demokratika, l-obbligu ta' rendikont, ir-reżiljenza u l-allinjament ma' objettivi ewlenin tal-politika tal-lat tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li jissaħħu aktar billi l-Parlament Ewropew jingħata kompetenzi msaħħa fit-teħid tad-deċiżjonijiet leġiżlattivi u rwol aktar attiv fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji kif ukoll fil-leġiżlazzjoni settorjali sottostanti.

Emenda 13

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 10

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri , permezz ta' kosti tal-ġbir, iżommu 25  % tal-ammonti tar-riżorsi proprji tradizzjonali li jiġbru .

(10)

Iż-żamma, bħala kosti tal-ġbir, ta' 20 % tal-ammonti miġbura mill-Istati Membri għal riżorsi proprji tradizzjonali tikkostitwixxi sehem kbir ta' riżorsi proprji li ma jkunux imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-kosti tal-ġbir miżmuma mill-Istati Membri mir-riżorsi proprji tradizzjonali jinġiebu lura minn 20 % għal-livell oriġinali ta' 10 % sabiex is-sostenn finanzjarju għal tagħmir tad-dwana, persunal u informazzjoni jiġi allinjat aħjar mal-kosti u l-ħtiġijiet reali. Dak is-sehem jenħtieġ li jkun l-istess għall-Istati Membri kollha.

Emenda 14

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 11

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(11)

F'konformità mar-raba' paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , ser jiġi stabbilit Regolament tal-Kunsill li jistipula miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali u teknika, applikabbli għall-kategoriji kollha ta' riżorsi proprji. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu regoli ddettaljati għall-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ , kif ukoll dispożizzjonijiet arranġamenti meħtieġa għall-kontroll u s-superviżjoni tal-ġbir tar-riżorsi proprji.

(11)

F'konformità mar-raba' paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Kunsill għandu jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu dispożizzjonijiet ta' natura ġenerali u teknika, applikabbli għat-tipi kollha ta' riżorsi proprji u li għalihom huwa partikolarment importanti li jkun hemm superviżjoni parlamentari xierqa . Jenħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu regoli ddettaljati biex jiġu stabbiliti l-ammonti tar-riżorsi proprji , li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1), li għandhom isiru disponibbli, inklużi r-rati ta' ġbir applikabbli għar-riżorsi proprji li ssir referenza għalihom fil-punti minn (b) sa (e) tal-Artikolu 2(1), il-kwistjonijiet tekniċi marbuta mad-Dħul Nazzjonali Gross, id-dispożizzjonijiet l-arranġamenti meħtieġa għall-kontroll u s-superviżjoni tal-ġbir tar-riżorsi proprji , inklużi regoli dwar l-ispezzjonijiet u dwar il-poteri ta' uffiċjali u ta' assistenti oħra awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjonijiet u kull obbligu ta' rappurtar rilevanti . Dawk il-miżuri jenħtieġ li jinkludu wkoll dispożizzjonijiet prattiċi biex jinformaw perjodikament lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bħala parti mill-awtorità baġitarja, dwar l-istat attwali tas-self, l-immaniġġjar tad-dejn u strateġiji relatati għall-ġestjoni tar-riskju kif ukoll dwar il-pjan għall-ħlas lura.

Emenda 15

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 13

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(13)

Jenħtieġ li jiġi ppreservat marġini suffiċjenti skont il-limiti massimi tar-riżorsi proprji għall-Unjoni biex tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti kollha tagħha li jkunu dovuti fi kwalunkwe sena partikolari . Jenħtieġ li l-ammont totali ta' riżorsi proprji allokat lill-baġit tal-Unjoni biex ikopri approprjazzjonijiet ta' pagament annwali ma jaqbiżx il-1,40  % tat-total tad-DNG kollu tal-Istati Membri . Jenħtieġ li l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet ta' impenn annwali ma jaqbiżx il-1,46  % tat-total tad-DNG kollu tal-Istati Membri .

(13)

Sabiex jiġi ppreservat marġini suffiċjenti skont il-limiti massimi tar-riżorsi proprji għall-Unjoni biex tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti tagħha kollha li jkunu dovuti fi kwalunkwe sena partikolari , il-limitu massimu tar-riżorsi proprji jenħtieġ li jiżdied għal-livell ta' 1,50  % tad-Dħul Nazzjonali Gross kollu tal-Istati Membri bi prezzijiet tas-suq għall-approprjazzjonijiet ta' pagament .

Emenda 16

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 16a (ġdida)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(16a)

Għall-fini uniku li jiġu koperti l-obbligi finanzjarji addizzjonali u l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-għoti ta' setgħa eċċezzjonali u temporanja għas-self ta' fondi u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja anki fi żminijiet ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta' pagament jenħtieġ li jiżdiedu b'0,6  punti perċentwali.

Emenda 17

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 19

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(19)

Il-ħlas lura ta' fondi mislufa sabiex jiġi pprovdut appoġġ li ma jitħallasx lura, appoġġ li jitħallas lura permezz ta' strumenti finanzjarji jew il-provvediment għal garanziji baġitarji, kif ukoll l-imgħax dovut, jenħtieġ li jiġi ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-fondi missellfa li jingħataw bħala self lill-Istati Membri jenħtieġ li jitħallsu lura mis-somom riċevuti mingħand l-Istati Membri benefiċjarji. Jeħtieġ li r-riżorsi meħtieġa jiġu allokati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni biex tkun tista' tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti kollha tagħha li jirriżultaw mill-għoti ta' setgħa eċċezzjonali u temporanja li tissellef fi kwalunkwe sena u fi kwalunkwe ċirkostanza f'konformità mal-Artikolu 310(4) TFUE u l-Artikolu 323 TFUE.

(19)

Il-ħlas lura ta' fondi mislufa sabiex jiġi pprovdut appoġġ li ma jitħallasx lura, appoġġ li jitħallas lura permezz ta' strumenti finanzjarji jew il-provvediment għal garanziji baġitarji, kif ukoll l-imgħax dovut, jenħtieġ li jiġu ffinanzjati mir-rikavati mir-riżorsi proprji ġodda introdotti fil-baġit tal-Unjoni. Il-fondi missellfa li jingħataw bħala self lill-Istati Membri jenħtieġ li jitħallsu lura mis-somom riċevuti mingħand l-Istati Membri benefiċjarji. Jeħtieġ li r-riżorsi meħtieġa jiġu allokati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni biex tkun tista' tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti kollha tagħha li jirriżultaw mill-għoti ta' setgħa eċċezzjonali u temporanja li tissellef fi kwalunkwe sena u fi kwalunkwe ċirkostanza f'konformità mal-Artikolu 310(4) TFUE u l-Artikolu 323 TFUE.

Emenda 18

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 25

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(25)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss ladarba tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom u b'hekk tiġi rrispettata bis-sħiħ is-sovranità nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew tas-17 sal- 21  ta' Lulju 2020 innota l-intenzjoni tal-Istati Membri li jipproċedu bl-approvazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mill-aktar fis possibbli. Minħabba l-bżonn urġenti li jkun jista' jsir self bil-ħsieb li jiffinanzja l-miżuri li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li tasal l-aħħar notifika tat-tlestija tal-proċeduri għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(25)

Sabiex ikun jista' jinbeda l-proċess ta' ratifika, din id-Deċiżjoni tiġi adottata mill-Kunsill wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew esprima l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi malajr l-opinjoni konsultattiva li hija meħtieġa legalment biex jitħaffef il-proċess li jawtorizza lill-Kummissjoni tibda bl-operazzjonijiet ta' self biex tiffinanzja l-Istrument Ewropew ta' Rkupru. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss ladarba tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom u b'hekk tiġi rrispettata bis-sħiħ is-sovranità nazzjonali , inkluż fir-rigward ta' kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji . Il-Kunsill Ewropew tas-17 sal- 21  ta' Lulju 2020 innota l-intenzjoni tal-Istati Membri li jipproċedu bl-approvazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mill-aktar fis possibbli. Minħabba l-bżonn urġenti li jkun jista' jsir self bil-ħsieb li jiffinanzja l-miżuri li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li tasal l-aħħar notifika tat-tlestija tal-proċeduri għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Emenda 19

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt c

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(c)

l-applikazzjoni ta' rata uniformi ta' ġbir għall-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat minn kull Stat Membru li mhux irriċiklat. Ir-rata ta' ġbir għandha tkun ta' EUR 0,80 kull kilogramm . Għandu japplika tnaqqis annwali ta' somma f'daqqa għal ċerti Stati Membri kif definit fir-raba' subparagrafu ;

(c)

l-applikazzjoni , mill-1 ta' Jannar 2021, ta' rata uniformi ta' ġbir għall-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik li mhuwiex irriċiklat; ir-rata ta' ġbir ma għandhiex teċċedi EUR 2,00 kull kilogramm;

Emenda 20

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt ca (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(ca)

l-applikazzjoni, mill-1 ta' Jannar 2021 ta' rata uniformi ta' ġbir għall-ammont li jirrappreżenta d-dħul iġġenerat mill-kwoti li għandhom jiġu rkantati li ssir referenza għalih fil-punt (a) tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-valur fis-suq ta' kwoti tranżitorji b'xejn għall-immodernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija kif determinat fl-Artikolu 10c(3) ta' dik id-Direttiva; ir-rata ta' ġbir reali ma għandhiex teċċedi 50 %; id-dħul inkrementali kollu ġġenerat minn kwalunkwe tkabbir futur tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet wara l-1 ta' Jannar 2021 lil setturi u reġjuni addizzjonali;

Emenda 21

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt cb (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(cb)

id-dħul iġġenerat minn Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera skont il-proposta tal-Kummissjoni [… / …] sal-1 ta' Jannar 2023;

Emenda 22

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt cc (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(cc)

id-dħul miġbur mit-tassazzjoni tas-Servizzi Diġitali, sakemm tiġi adottata u implimentata d-Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta' ċerti servizzi diġitali (COM(2018)0148) sal-1 ta' Jannar 2023; ir-rata ta' ġbir reali ma għandhiex teċċedi 100 %;

Emenda 23

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt cd (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(cd)

l-applikazjoni, mill-1 ta' Jannar 2026 ta' rata uniformi ta' ġbir għas-sehem mill-profitti taxxabbli attribwiti għal kull Stat Membru skont ir-regoli tal-Unjoni tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva; ir-rata ta' ġbir reali ma għandhiex teċċedi 6 %;

Emenda 24

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – punt ce (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(ce)

l-applikazzjoni, mill-1 ta' Jannar 2024, ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li għandha tinġabar skont id-Direttiva tal-Kunsill (UE) Nru […/…], bir-rati ta' ġbir applikabbli fl-ammont ta' sehem li ma jaqbiżx ir-rati minimi stabbiliti f'dik id-Direttiva; jekk id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji tiġi implimentata temporanjament f'kooperazzjoni msaħħa, din ir-riżorsa proprja ma għandhiex taffettwa lill-Istati Membri li mhumiex qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa;

Emenda 25

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 2

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

2.    Għall-perijodu 2021-2027, l-Awstrija għandha tibbenefika minn tnaqqis gross ta' EUR 565 miljun fil-kontribuzzjoni tagħha bbażata fuq id-DNG, id-Danimarka għandha tibbenefika minn tnaqqis gross ta' EUR 377 miljun fil-kontribuzzjoni tagħha bbażata fuq id-DNG, il-Ġermanja għandha tibbenefika minn tnaqqis gross ta' EUR 3 671 miljun fil-kontribuzzjoni tagħha bbażata fuq id-DNG, in-Netherlands għandhom jibbenefikaw minn tnaqqis gross ta' EUR 1 921 miljun fil-kontribuzzjoni tagħhom ibbażata fuq id-DNG u l-Iżvezja għandha tibbenefika minn tnaqqis gross ta' EUR 1 069 miljun fil-kontribuzzjoni tagħha bbażata fuq id-DNG. Dawn l-ammonti għandhom jitkejlu skont prezzijiet tal-2020 u jiġu aġġustati bl-applikazzjoni tad-deflatur l-aktar reċenti tal-Prodotti Domestiku Gross għall-Unjoni, espress f'euro, kif ipprovdut mill-Kummissjoni, li jkun disponibbli meta jitfassal l-abbozz tal-baġit. Dan it-tnaqqis gross għandu jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri kollha.

2.    L-ebda Stat Membru m'għandu jibbenefika minn xi ribass jew korrezzjoni.

Emenda 26

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 2a (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

2a.     Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti dettaljati u dispożizzjonijiet oħra meħtieġa għall-applikazzjoni ta' kalendarju legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda fi ftehim interistituzzjonali sal-1 ta' Jannar 2021. Id-dħul minn dawk ir-riżorsi proprji ġodda għandu jkun biżżejjed biex tal-inqas ikopri l-ħlas lura tal-ispejjeż tas-self implikati mill-kapaċità ta' self stabbilita skont l-Artikolu 3b. Jenħtieġ li r-riżorsi proprji ġodda jiggarantixxu wkoll il-livell xieraq ta' finanzjament tal-infiq tal-Unjoni fil-QFP, filwaqt li jtaffu l-predominanza tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tressaq il-proposti leġiżlattivi xierqa.

Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2021-2027 għandha tintuża, fost affarijiet oħra, biex tadatta għal leġiżlazzjonijiet ġodda oħra, u jekk ikun meħtieġ tadottahom sabiex tilħaq l-objettivi stabbiliti f'dan il-paragrafu.

Emenda 27

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 1

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

1.   L-ammont totali tar-riżorsi proprji allokat għall-Unjoni sabiex jiġu koperti l-approprjazzjonijiet annwali ta' pagament ma għandhomx jeċċedu 1,40  % tas-somma tad-DNG tal-Istati Membri kollha.

1.   L-ammont totali tar-riżorsi proprji allokat lill-Unjoni biex ikopru approprjazzjonijiet annwali ta' pagament ma għandux jeċċedi 1,50  % tad-Dħul Nazzjonali Gross totali tal-Istati Membri kollha.

Emenda 28

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 2

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

2.     L-ammont totali annwali għall-approprjazzjonijiet ta' impenn li jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu 1,46  % tas-somma tad-DNG tal-Istati Membri kollha.

imħassar

Emenda 29

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 3

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

3.     Għandu jinżamm proporzjon bl-ordni bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex tiġi ggarantita l-kumpatibbiltà tagħhom u sabiex il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1 ikun jista' jinżamm fis-snin ta' wara.

imħassar

Emenda 30

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 3 – paragrafu 4

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

4.     Fejn l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 jirriżultaw f'bidliet sinifikanti fil-livell tad-DNG, il-Kummissjoni għandha tikkalkula mill-ġdid il-limiti massimi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 bħala temporanjament miżjuda skont l-Artikolu 3c abbażi tal-formula li ġejja:

imħassar

GNIt-2 + GNIt-1 + GNIt ESA attwali

x% (y %) *_________________

GNIt-2 + GNIt-1 + GNIt ESA modifikata

 

F'dik il-formula, “t” hija l-aħħar sena sħiħa li għaliha hija disponibbli d-data definita mir-Regolament (UE) Nru 2019/516  (5) , “x” tirreferi għal-limitu massimu tar-riżorsi proprji għal approprjazzjonijiet ta' pagament u “y” tirreferi għal-limitu massimu tar-riżorsi proprji għal approprjazzjonijiet ta' impenn.

 

F'dik il-formula, “ESA” hija s-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni.

 

Emenda 31

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 3b – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

Il-ħlas lura tal-kapital tal-fondi użati għan-nefqa msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-imgħax dovut relatat għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-impenji baġitarji jistgħu jinqasmu f'pagamenti parzjali annwali fuq diversi snin skont l-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (6).

Il-ħlas lura tal-kapital tal-fondi użati għan-nefqa msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-imgħax dovut relatat għandhom jitħallsu mir-rikavati minn riżorsi proprji ġodda introdotti fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-impenji baġitarji jistgħu jinqasmu f'pagamenti parzjali annwali fuq diversi snin skont l-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Emenda 32

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 5

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

Artikolu 5

imħassar

Riport tas-surplus

 

Kull bilanċ pożittiv fid-dħul tal-Unjoni fuq in-nefqa totali attwali matul sena finanzjarja għandu jiġi riporat għas-sena finanzjarja ta' wara.

 

Emenda 33

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 6 – paragrafu 2

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

2.   L-Istati Membri għandhom iżommu, bħala kosti tal-ġbir, 25  % tal-ammonti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a).

2.   L-Istati Membri għandhom iżommu, bħala kumpens għall-ispejjeż tal-ġbir, 10  % tal-ammonti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a).

Emenda 34

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 7 – paragrafu 1 – punt ba (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(ba)

it-trattament baġitarju ta' dħul li jirriżulta minn multi ta' kompetizzjoni u każijiet ta' ksur;

Emenda 35

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 7 – paragrafu 1 – punt bb (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(bb)

regoli biex jiġu stabbiliti l-ammonti tar-riżorsi proprji li ssir referenza għalihom fil-punti (a) – (ce) tal-Artikolu 2(1) li għandhom jiġu magħmula disponibbli, inklużi r-rati ta' ġbir applikabbli għal dawk ir-riżorsi proprji, fil-limiti stabbiliti f'dawk il-punti, kif ukoll il-kalkolu tar-rata applikabbli tar-riżorsa proprja fuq il-bażi tad-Dħul Nazzjonali Gross;

Emenda 36

Abbozz ta' deċiżjoni

Artikolu 7 – paragrafu 1 – punt bc (ġdid)

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

 

(bc)

id-Dħul Nazzjonali Gross ta' referenza, id-dispożizzjonijiet għall-aġġustament tad-Dħul Nazzjonali Gross u d-dispożizzjonijiet għall-kalkolu mill-ġdid tal-limiti massimi ta' pagamenti u impenji fil-każ ta' tibdil sinifikanti għad-Dħul Nazzjonali Gross, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1);


(1)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 51.

(2)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 71.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0226.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2018)0449.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2019)0032.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0124.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0206.

(1a)   Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(5)   Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (Regolament dwar id-DNG) (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 19).

(6)   Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2020

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/275


P9_TA(2020)0222

Approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur (Emissjonijiet f'Sewqan Reali)***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (COM(2019)0208 – C9-0009/2019 – 2019/0101(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 385/31)

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 jesiġi li l-vetturi ħfief il-ġodda jikkonformaw ma' ċerti limiti ta' emissjoni (l-istandards Euro 5 u Euro 6) u jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Id-dispożizzjonijiet tekniċi speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament kienu stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (4) u sussegwentement, fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1151 (5).

(2)

Ir-Regolament (KE) 715/2007 jesiġi li l-vetturi ħfief il-ġodda jikkonformaw ma' ċerti limiti ta' emissjoni (l-istandards Euro 5 u Euro 6) u jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi , kif emendat u kkonsolidat aktar bir-Regolament (UE) 2018/858  (3a) , li japplika mill-1 ta' Settembru 2020 . Id-dispożizzjonijiet tekniċi speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 715/2007 kienu stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (4) u sussegwentement, fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1151 (5).

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

B'mod gradwali u b'mod sinifikanti, ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip rigward l-emissjonijiet minn vetturi bil-mutur saru aktar stretti permezz tal-introduzzjoni u r-reviżjoni sussegwenti tal-istandards Euro. Filwaqt li l-vetturi b'mod ġenerali wasslu tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet fil-firxa kollha tal-inkwinanti rregolati, dan ma kienx il-każ għall-emissjonijiet tal-NOx minn magni diżil jew għall-partiċelli minn magni b'injezzjoni diretta tal-petrol, installati b'mod partikolari fil-vetturi ħfief. Għalhekk, huma meħtieġa azzjonijiet biex din is-sitwazzjoni tiġi kkoreġuta .

(3)

B'mod gradwali u b'mod sinifikanti, ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip rigward l-emissjonijiet minn vetturi bil-mutur saru aktar stretti permezz tal-introduzzjoni u r-reviżjoni sussegwenti tal-istandards Euro. Filwaqt li l-vetturi b'mod ġenerali wasslu tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet fil-firxa kollha tal-inkwinanti rregolati, dan ma kienx il-każ għall-emissjonijiet tal-NOx minn magni diżil jew għall-partikoli minn magni b'injezzjoni diretta tal-petrol, installati b'mod partikolari fil-vetturi ħfief. Għalhekk, huma meħtieġa azzjonijiet biex jikkoreġu din is-sitwazzjoni.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a)

Ġie stmat mir-Rapport tal-2019 dwar il-Kwalità tal-Arja  (1a) ippubblikat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) li fl-2016 l-esponiment fit-tul għat-tniġġis tal-arja kien responsabbli għal aktar minn 506 000 mewta prematura fl-UE-28. Ir-rapport ikkonferma wkoll li t-trasport bit-triq baqa' s-sors primarju tal-emissjonijiet tal-NOx fl-UE-28 fl-2017, li rrappreżenta madwar 40 % tal-emissjonijiet totali tal-NOx fl-UE, u li madwar 80 % tal-emissjonijiet totali tal-NOx mit-trasport bit-triq huma ġġenerati minn vetturi li jaħdmu bid-diżil;

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 3b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b)

L-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għall-operaturi indipendenti huwa kruċjali sabiex il-fiduċja tal-konsumaturi tiġi stabbilita mill-ġdid.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 3c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3c)

Każijiet riċenti ta' ksur tal-qafas legali eżistenti mill-manifatturi, inkluż ksur tal-obbligi legali tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007, urew id-dgħufijiet tal-mekkaniżmi ta' kontroll u ta' infurzar. Il-konsumaturi tħallew mingħajr kumpens sodisfaċenti, peress li anki meta ngħata kumpens, sikwit dan ma wassalx biex il-vetturi jkunu konformi mal-istandards Euro 5 u 6. Minħabba li l-għadd dejjem jikber ta' projbizzjonijiet fuq id-diżil madwar il-bliet Ewropej qed jaffettwa l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, miżura ta' kumpens adegwat tkun li l-vetturi mhux konformi jiġu mgħammra b'teknoloġija adattata ta' trattament tal-egżost (“bidla fil-hardware”), filwaqt li, f'każ li l-konsumatur ikun jixtieq jiskambja vettura mixtrija ma' mudell aktar nadif, miżura oħra tkun l-offerta ta' primjums ta' konverżjoni.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Bħala riżultat, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija ġdida għall-ittestjar tal-emissjonijiet tal-vetturi f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali, il-proċedura tat-test tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE). Il-proċedura tat-test RDE ġiet introdotta mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 (6) u (UE) 2016/646 (7), sussegwentement meħuda fir-Regolament (UE) 2017/1151 u mtejba aktar bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1154 (8).

(5)

Bħala riżultat, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija ġdida għall-ittestjar tal-emissjonijiet tal-vetturi f'kundizzjonijiet ta' sewqan reali, il-proċedura tat-test tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE). Il-proċedura tat-test RDE ġiet introdotta mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 (6) u (UE) 2016/646 (7), sussegwentement meħuda fir-Regolament (UE) 2017/1151 u mtejba aktar bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 (8) u (UE) 2018/1832  (8a).

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/646 (9) introduċa d-dati tal-applikazzjoni tal-proċedura tat-test RDE, kif ukoll il-kriterji ta' konformità għall-RDE. Għal dak il-fini, intużaw fatturi ta' konformità speċifiċi għall-inkwinanti biex jitqiesu l-inċertezzi tekniċi u statistiċi tal-kejl li sar permezz ta' Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS).

(6)

Ir-Regolament (UE) 2016/646 (9) introduċa d-dati tal-applikazzjoni tal-proċedura tat-test RDE, kif ukoll il-kriterji ta' konformità għall-RDE. L-introduzzjoni tad-dati tal-applikazzjoni għal vetturi tal-passiġġieri u vetturi ħfief intgħażlet f'sekwenza annwali biex tiżgura li l-manifatturi ta' kull grupp ta' vetturi jkollhom żmien biżżejjed għall-ippjanar. Għal dak il-fini, ġew introdotti fatturi ta' konformità speċifiċi għall-inkwinanti biex jitqiesu l-inċertezzi tekniċi u statistiċi tal-kejl li sar permezz ta' Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS).

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

Skont ir-rapport tal-EEA mill-2016, id-diskrepanza bejn l-emissjonijiet f'kundizzjonijiet reali u dawk tal-laboratorju kienet prinċipalment minħabba tliet fatturi: proċedura tat-test skaduta, flessibbiltajiet fil-proċedura attwali u fatturi fl-użu li huma dipendenti fuq is-sewwieq. Jenħtieġ studju sabiex jiġi stabbilit il-marġni li jkun dovut għall-istil tas-sewqan u għat-temperatura ta' barra. Jenħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn is-CF, il-marġni relatat mal-apparat u l-marġni tal-fattur fl-użu li jkun dipendenti fuq is-sewwieq u fuq it-temperatura.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)

Fit-13 ta' Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat sentenza fil-Kawżi Konġunti T-339/16, T-352/16 u T-391/1622 rigward rikors għal annullament tar-Regolament (UE) Nru 2016/646. Il-Qorti Ġenerali annullat il-parti tar-Regolament (UE) 2016/646 li stabbilixxiet il-fatturi ta' konformità użati biex tiġi vvalutata l-konformità tar-riżultati tat-test RDE mal-limiti ta' emissjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Il-Qorti sabet li l-leġiżlatur biss jista' jintroduċi dawk il-fatturi ta' konformità għaliex dawn kienu jaffettwaw element essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

(7)

Fit-13 ta' Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat sentenza fil-Kawżi Konġunti T-339/16, T-352/16 u T-391/1622 rigward rikors għal annullament tar-Regolament (UE) 2016/646. Il-Qorti Ġenerali annullat il-parti tar-Regolament (UE) 2016/646 li kienet stabbiliet il-fatturi ta' konformità użati biex tiġi vvalutata l-konformità tar-riżultati tat-test RDE mal-limiti ta' emissjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Il-Qorti sabet li l-leġiżlatur biss jista' jintroduċi dawk il-fatturi ta' konformità għaliex dawn kienu jaffettwaw element essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u “dan iwassal de facto għall-emenda tal-limiti tal-emissjonijiet ta' ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6, filwaqt li dawn il-limiti għandhom japplikaw” .

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)

Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-ġustifikazzjoni teknika tal-fatturi ta' konformità. Għalhekk, u billi fl-istadju attwali tal-iżvilupp teknoloġiku għad hemm diskrepanza bejn l-emissjonijiet imkejla f'sewqan reali u dawk imkejla f'laboratorju, huwa xieraq li jiġu introdotti l-fatturi ta' konformità fir-Regolament (KE) Nru 715/2007.

(8)

Il-Qorti Ġenerali qajmet dubji “dwar il-fondatezza tal-invokazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' żbalji possibbli ta' natura statistika”, b'mod partikolari fir-rigward tal-fattur ta' konformità temporanju ta' 2,1 u ddikjarat li “l-inċertezzi tal-istatistika jikkoreġu ruħhom bir-rappreżentattività tal-kampjun jew tat-test jew in-numru ta' testijiet” . Barra minn hekk, fir-rigward tal-marġni introdott ta' inċertezza teknika, il-Qorti affermat li “dan ifisser li ma jistax jiġi ddeterminat wara test RDE jekk il-vettura tat-test tissodisfax jew le dawn il-limiti, jew anki l-approċċ”. Kwalunkwe tagħmir ta' kejl għandu marġni ta' inċertezza teknika, u t-tagħmir tal-PEMS, minħabba l-użu tiegħu f'kundizzjonijiet aktar varjabbli, instab li għandu marġni kemmxejn akbar meta mqabbel ma' tagħmir tal-laboratorju mhux mobbli minkejja li dan jista' fil-fatt ifisser kemm stima għolja wisq kif ukoll baxxa wisq tal-emissjonijiet. Billi fl-istadju attwali tal-iżvilupp teknoloġiku għad hemm diskrepanza bejn l-emissjonijiet imkejla f'sewqan reali u dawk imkejla f'laboratorju, huwa xieraq li temporanjament jiġu introdotti l-fatturi ta' konformità fir-Regolament (KE) Nru 715/2007.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 8a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 dwar żviluppi riċenti fl-iskandlu “Dieselgate” laqgħet is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u talbet b'mod espliċitu lill-Kumissjoni biex ma tintroduċi l-ebda fattur ta' konformità ġdid sabiex ikun żgurat li l-istandards Euro 6 ma jitilfux l-effettività tagħhom u minflok jintlaħqu f'kundizzjonijiet normali tal-użu, kif previst oriġinarjament fir-Regolament (KE) Nru 715/2007.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

Sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni Euro 6 fil-kuntest tal-proċedura tat-test RDE, il-kriterji ta' konformità għall-RDE għandhom jiġu introdotti f'żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, wara talba tal-manifattur, jenħtieġ li japplika fattur ta' konformità temporanju, filwaqt li bħala t-tieni stadju jenħtieġ li jintuża biss il-fattur ta' konformità finali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa' tirrevedi l-fatturi ta' konformità finali fid-dawl tal-progress tekniku.

(9)

Sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni Euro 6 fil-kuntest tal-proċedura tat-test RDE, il-kriterji ta' konformità għall-RDE jenħtieġ li jiġu introdotti f'żewġ stadji. Matul l-ewwel stadju, wara talba tal-manifattur, jenħtieġ li japplika fattur ta' konformità temporanju, filwaqt li bħala t-tieni stadju jenħtieġ li jintuża biss il-fattur ta' konformità finali. Il-fattur ta' konformità finali jenħtieġ li japplika matul perjodu ta' tranżizzjoni u jinkludi marġni li jesprimi l-inċertezza tal-kejl addizzjonali marbuta mal-introduzzjoni tal-PEMS. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kontinwament dak il-fattur ta' konformità fid-dawl tal-progress tekniku u ta' kull sena taġġustah 'l isfel abbażi ta' evidenza xjentifika, il-preċiżjoni mtejba tal-proċedura ta' kejl u l-progress tekniku tal-PEMS . Il-fattur ta' konformità jenħtieġ li jitbaxxa b'mod gradwali u sat-30 ta' Settembru 2022 ma jridx jibqa' japplika.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a)

Jenħtieġ li sa mhux aktar tard minn Ġunju 2021 il-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti aktar rigorużi għat-tagħmir tal-kejl tal-PEMS li jkun jista' jintuża għat-testijiet RDE. L-istandards stabbiliti jenħtieġ li, fejn possibbli, iqisu kull element rilevanti ta' standardizzazzjoni żviluppat mis-CEN abbażi tal-aħjar tagħmir tal-PEMS disponibbli.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 9b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9b)

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li filwaqt li din il-proposta tittratta l-fattur ta' konformità, il-kwistjoni tal-istandards ta' limitu tal-emissjonijiet għandha tiġi ttrattata fil-kuntest tal-proposta li jmiss post-Euro 6. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm progress rapidu lejn l-adozzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet futuri (post-Euro 6) u kwalità tal-arja mtejba għaċ-ċittadini tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tippreżenta, fejn xieraq, proposta leġiżlattiva għal dak l-għan mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn Ġunju 2021, kif imħabbar fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, li jenfasizza l-ħtieġa li ssir bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti u li jiġi żgurat perkors lejn mobbiltà b'emissjonijiet żero. Jenħtieġ li ma jintuża l-ebda fattur ta' konformità fl-implimentazzjoni tal-istandards post-Euro 6.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 9c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9c)

Sabiex il-produtturi jiġu mħeġġa jkollhom attitudni proattiva u favur l-ambjent, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi l-ġodda intenzjonati li jassorbu l-NOx jenħtieġ li jiġu ttestjati, kwantifikati u kkunsidrati fir-reviżjoni sussegwenti tal-istandards Euro.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10)

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi l-possibbiltà li l-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv. Il-miżuri li jistgħu jiġu koperti b'delegi tas-setgħat, kif imsemmi fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE , fil-prinċipju jikkorrispondu ma' dawk koperti mill-proċedura regolatorja bl-iskrutinju stabbilit bl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (11). Għalhekk jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju jiġu adattati għall-Artikolu 290 tat-TFUE.

(10)

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi l-possibbiltà li l-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta' att leġiżlattiv. Il-miżuri li jistgħu jiġu koperti b'delegi tas-setgħat, kif imsemmi fl-Artikolu 290(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fil-prinċipju jikkorrispondu ma' dawk koperti mill-proċedura regolatorja bl-iskrutinju stabbilit bl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (11). Għalhekk jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju jiġu adattati għall-Artikolu 290 tat-TFUE.

Emenda 17

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip. Jenħtieġ li dik id-delega tinkludi l-issupplimentar tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 permezz ta' tali regoli riveduti kif ukoll iċ-ċikli tat-test użati biex jitkejlu l-emissjonijiet; ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet; il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' manifattur li jipprovdi aċċess mhux ristrett u standardizzat għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi; l-adozzjoni ta' proċedura ta' kejl riveduta għall-partikulati. Jenħtieġ li d-delega tinkludi wkoll l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 bil-għan li l-fatturi ta' konformità finali li jiġu riveduti 'l isfel sabiex dawn jirriflettu l-progress tekniku fil-PEMS u l-ikkalibrar mill-ġdid tal-valuri ta' limitu bbażati fuq il-massa ta' partikuli u l-introduzzjoni ta' valuri ta' limitu bbażati fuq in-numru ta' partikuli. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom jenħtieġ li jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(11)

Sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja u sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip. Jenħtieġ li dik id-delega tinkludi l-issupplimentar tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 permezz ta' tali regoli riveduti kif ukoll iċ-ċikli tat-test użati biex jitkejlu l-emissjonijiet; ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-użu ta' tagħmir ta' riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet; il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' manifattur li jipprovdi aċċess mhux ristrett u standardizzat għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi; u l-adozzjoni ta' proċedura ta' kejl riveduta għall-partikulati. Minkejja l-perjodu qasir bejn id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u r-revoka tad-dispożizzjonijiet dwar informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni (RMI) permezz tar-Regolament (UE) 2018/858, għall-finijiet ta' ċertezza legali u biex ikun żgurat li l-għażliet kollha jkunu disponibbli għal-leġiżlatur, jenħtieġ li d-delega tinkludi wkoll il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-manifattur li jipprovdi aċċess mingħajr restrizzjonijiet u aċċess standardizzat għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Jenħtieġ li d-delega tinkludi wkoll l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 bil-għan li l-fatturi ta' konformità jiġu riveduti 'l isfel sabiex dawn jirriflettu l-kwalità mtejba tal-proċedura ta' kejl jew il-progress tekniku fil-PEMS u l-ikkalibrar mill-ġdid tal-valuri ta' limitu bbażati fuq il-massa ta' partikuli u l-introduzzjoni ta' valuri ta' limitu bbażati fuq in-numru ta' partikuli. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (1a). B'mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt a

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Artikolu 4 – paragrafu 1 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dawk l-obbligi jinkludu l-issodisfar tal-limiti ta' emissjoni stabbiliti fl-Anness I. Għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-konformità mal-limiti ta' emissjoni Euro 6 stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness I, il-valuri tal-emissjonijiet determinati waqt kwalunkwe test validu tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE) għandhom jiġu diviżi bil-fattur ta' konformità applikabbli stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I. Ir-riżultat għandu jibqa' taħt il-limiti ta' emissjoni Euro 6 stabbiliti fit-Tabella 2 ta' dak l-Anness.

Dawk l-obbligi jinkludu l-konformità mal-limiti ta' emissjoni stabbiliti fl-Anness I. Għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-konformità mal-limiti ta' emissjoni Euro 6 stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness I, il-valuri tal-emissjonijiet determinati waqt kwalunkwe test validu tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE) għandhom jiġu diviżi bil-fattur ta' konformità applikabbli kif stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I. Ir-riżultat għandu jibqa' taħt il-limiti ta' emissjoni Euro 6 stabbiliti fit-Tabella 2 ta' dak l-Anness. Il-fattur ta' konformità għandu jitbaxxa b'mod gradwali permezz ta' reviżjonijiet annwali 'l isfel, abbażi ta' valutazzjonijiet mill-JRC. Sat-30 ta' Settembru 2022 il-fattur ta' konformità m'għandux jibqa' japplika.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 4 – punt a

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Artikolu 5 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b'mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u mmuntati b'mod li jippermetti li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma' dan ir-Regolament.;

1.   Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b'mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u mmuntati b'mod li jippermetti li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma' dan ir-Regolament. Il-manifattur għandu jiggarantixxi wkoll l-affidabbiltà tat-tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis u għandu jimmira li jnaqqas ir-riskju ta' serq ta' dan it-tagħmir jew it-tbagħbis fih.

Emenda 20

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 6

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Artikolu 8 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex tissupplimenta l-Artikoli 6 u 7. Dan għandu jinkludi d-definizzjoni u l-aġġornament ta' speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-mod ta' kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b'mod li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a sabiex tissupplimenta l-Artikoli 6 u 7. Dan għandu jinkludi d-definizzjoni u l-aġġornament ta' speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-mod ta' kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD u dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b'mod li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs , il-mikrointrapriżi u l-operaturi li jaħdmu għal rashom .

Emenda 21

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7 – punt b

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Artikolu 10 – paragrafu 4 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Matul kwalunkwe test RDE validu, il-konformità mal-valuri ta' limitu Euro 6 għandha tiġi ddeterminata billi jitqies il-fattur ta' konformità speċifiku għall-inkwinanti stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

Matul kwalunkwe test RDE validu, il-konformità mal-valuri ta' limitu Euro 6 għandha tiġi ddeterminata billi jitqies il-fattur ta' konformità speċifiku għall-inkwinanti stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1). Il-fattur ta' konformità għandu jitbaxxa b'mod gradwali permezz ta' reviżjonijiet annwali 'l isfel, abbażi ta' valutazzjonijiet mill-JRC. Sat-30 ta' Settembru 2022 il-fattur ta' konformità m'għandux jibqa' japplika.

Emenda 22

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 7 – punt b

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Artikolu 10 – paragrafu 5 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Matul kwalunkwe test RDE validu, il-konformità mal-valuri ta' limitu Euro 6 għandha tiġi ddeterminata billi jitqies il-fattur ta' konformità speċifiku għall-inkwinanti stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

Matul kwalunkwe test RDE validu, il-konformità mal-valuri ta' limitu Euro 6 għandha tiġi ddeterminata billi jitqies il-fattur ta' konformità speċifiku għall-inkwinanti stabbilit fit-Tabella 2a tal-Anness I, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1). Il-fattur ta' konformità għandu jitbaxxa b'mod gradwali permezz ta' reviżjonijiet annwali 'l isfel, abbażi ta' valutazzjonijiet mill-JRC. Sat-30 ta' Settembru 2022 il-fattur ta' konformità m'għandux jibqa' japplika.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 10

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Artikolu 14 – paragrafu 3 u paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 14a li:

3.    Il-Kummissjoni għandha tadotta , sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2021, atti delegati f'konformità mal-Artikolu 14a li jissupplimentaw dan ir-Regolament sabiex il-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti kif ukoll iċ-ċikli tat-test użati biex jitkejlu l-emissjonijiet jiġu adattati sabiex jirriflettu b'mod adegwat l-emissjonijiet tas-sewqan reali f'kundizzjonijiet normali tal-użu, inklużi inter alia t-temperatura u l-kundizzjonijiet ta' limitu, inaqqsu d-deriva taż-żero u jindirizzaw żidiet qawwija fl-għadd ta' partikoli li jirriżultaw mit-tindif tal-filtri, filwaqt li jitqies kull element rilevanti ta' standardizzazzjoni żviluppat mis-CEN u abbażi tal-aħjar tagħmir disponibbli.

(a)

jissupplimentaw dan ir-Regolament sabiex jadattaw il-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti kif ukoll iċ-ċikli tat-test użati biex jitkejlu l-emissjonijiet sabiex jirriflettu b'mod adegwat l-emissjonijiet f'sewqan reali;

 

(b)

jemendaw dan ir-Regolament sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku għall-fatturi ta' konformità finali speċifiċi għall-inkwinanti stabbiliti fit-Tabella 2a tal-Anness I.

 

 

3a.     Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 14a li jemendaw dan ir-Regolament sabiex ikun hemm adattament għall-progress tekniku u tirrieżamina 'l isfel għall-fatturi ta' konformità speċifiċi għall-inkwinanti stabbiliti fit-Tabella 2a tal-Anness I.

Emenda 24

Proposta għal regolament

Anness – paragrafu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007

Anness I – tabella 2a – ringiela 2

Test propost mill-Kummissjoni

CF inkwinant-finali (2)

1,43

1,5

Emenda

CF inkwinant-finali (2)

1 + marġini (marġini = 0,32 )  (*1)

1 + marġini (marġini = 0,5 )  (*1)


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba subparagrafu (A9-0139/2020).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(3a)   Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(1a)   Rapport tal-2019 tal-EEA “Air Quality in Europe” (Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa)

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal-10 ta' Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward ta' emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6), ĠU L 82, 31.3.2016, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.04.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas-7 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1151 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emissjonijiet f'sewqan reali ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6), ĠU L 175, 7.7.2017, p. 708.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 tal-10 ta' Marzu 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward ta' emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6), ĠU L 82, 31.3.2016, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.04.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1154 tas-7 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1151 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 692/2008 u d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-emissjonijiet f'sewqan reali ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 708).

(8a)   Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1832 tal-5 ta' Novembru 2018 li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 għall-fini tat-titjib tat-testijiet u l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali, inklużi dawk it-testijiet u l-proċeduri għall-konformità fis-servizz u l-emissjonijiet f'sewqan reali u li jintroduċi mezzi għall-monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil u tal-enerġija elettrika (ĠU L 301, 27.11.2018, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall- passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.04.2016, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall- passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU L 109, 26.04.2016, p. 1).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni, konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni, konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(1a)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(2)  CF inkwinant-finali huwa l-fattur ta' konformità użat biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-limiti ta' emissjoni Euro 6 billi jitqiesu l-inċertezzi tekniċi marbuta mal-użu tas-Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS).

(*1)   għandu jiġi rivedut 'l isfel tal-anqas kull sena abbażi tal-valutazzjonijiet regolari taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

(2)  CF inkwinant-finali huwa l-fattur ta' konformità użat biex tiġi ddeterminata l-konformità mal-limiti ta' emissjoni Euro 6 waqt perjodu tranżizzjonali billi jitqiesu l-inċertezzi tekniċi addizzjonali ta' kejl marbuta mal-introduzzjoni tas-Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS). Dan huwa espress bħala 1 + marġni ta' inċertezza ta' kejl. Sat-30 ta' Settembru 2022, il-marġini għandu jkun żero, u l-fattur ta' konformità m'għandux japplika aktar.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/289


P9_TA(2020)0223

Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020)0022 – C9-0007/2020 – 2020/0006(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 385/32)

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)

Il-qafas regolatorju li jirregola l-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2027, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti billi jikkonċentra l-finanzjament tal-Unjoni fuq objettivi ekoloġiċi. Dan ir-Regolament jimplimenta waħda mill-prijoritajiet stipulati fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (“il-Patt Ekoloġiku Ewropew”) (11) u huwa parti mill-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (12) li jipprovdi finanzjament iddedikat taħt il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu indirizzati l-ispejjeż ekonomiċi u  soċjali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika newtrali għall-klima , fejn kwalunkwe bilanċ tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġi kkumpensat minn assorbimenti ekwivalenti.

(1)

Il-qafas regolatorju li jirregola l-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2027, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi , billi jillimita ż-żieda fit-temperatura globali għal taħt il-1,5  oC, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali billi jikkonċentra l-finanzjament tal-Unjoni fuq objettivi ekoloġiċi. Dan ir-Regolament jimplimenta waħda mill-prijoritajiet stipulati fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (“il-Patt Ekoloġiku Ewropew”) (11) u huwa parti mill-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (12) li jipprovdi finanzjament iddedikat taħt il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni biex jiġu indirizzati l-ispejjeż ekonomiċi , soċjali ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima ċirkolari , fejn kwalunkwe bilanċ tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġi kkumpensat minn assorbimenti ekwivalenti , filwaqt li jitqies l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 .

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u l-ekonomija ċirkolari tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi ta' politika l-aktar importanti għall-Unjoni. Fit-12 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li sal-2050 tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima, f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. Filwaqt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se tkun ta' benefiċċju għal kulħadd fuq terminu twil u tipprovdi opportunitajiet u sfidi għal kulħadd fuq terminu medju, mhux ir-reġjuni u l-Istati Membri kollha se jibdew it-tranżizzjoni tagħhom mill-istess punt jew għandhom l-istess kapaċità ta' rispons. Xi wħud huma aktar avvanzati minn oħrajn, filwaqt li t-tranżizzjoni tinvolvi impatt soċjali u ekonomiku usa' għal dawk ir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili – speċjalment il-faħam, il-linjite, il-pit u x-shale bituminuż – jew fuq industriji b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra. Sitwazzjoni bħal din mhux biss toħloq ir-riskju ta' tranżizzjoni b'pass varjabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-azzjoni klimatika, iżda wkoll ta' disparitajiet dejjem akbar bejn ir-reġjuni, li huwa ta' detriment għall-objettivi ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali.

(2)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u l-ekonomija ċirkolari tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi ta' politika l-aktar importanti għall-Unjoni. Fit-12 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li sal-2050 tinkiseb Unjoni newtrali għall-klima, f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. Filwaqt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali se tkun ta' benefiċċju għal kulħadd fuq terminu twil u tipprovdi opportunitajiet u sfidi għal kulħadd fuq terminu medju, mhux ir-reġjuni u l-Istati Membri kollha se jibdew it-tranżizzjoni tagħhom mill-istess punt jew għandhom l-istess kapaċità ta' rispons. Xi wħud huma aktar avvanzati minn oħrajn, filwaqt li t-tranżizzjoni tinvolvi impatt soċjali, ekonomiku u  ambjentali usa' għal dawk ir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq il-fjuwils fossili – speċjalment il-faħam, il-linjite, il-pit għall-użu tal-enerġija u x-shale bituminuż – jew fuq industriji b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra. Sitwazzjoni bħal din mhux biss toħloq ir-riskju ta' tranżizzjoni b'pass varjabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-azzjoni klimatika, iżda wkoll ta' disparitajiet dejjem akbar bejn ir-reġjuni , speċjalment għar-reġjuni ultraperiferiċi, iż-żoni remoti, insulari u ġeografikament żvantaġġjati u għaż-żoni bi problemi ta' depopolazzjoni , li huwa ta' detriment għall-objettivi ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3)

Sabiex tirnexxi, it-tranżizzjoni trid tkun ġusta u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd. Għalhekk, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri jridu jqisu l-implikazzjonijiet ekonomiċi u  soċjali tagħha sa mill-bidu nett, u jużaw l-istrumenti kollha possibbli biex itaffu l-konsegwenzi negattivi. Il-baġit tal-Unjoni għandu rwol importanti f'dan ir-rigward.

(3)

Sabiex tirnexxi, it-tranżizzjoni trid tkun ġusta, inklużiva u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd. Għalhekk, l-Unjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom jeħtiġilhom iqisu l-implikazzjonijiet ekonomiċi , soċjali ambjentali tagħha sa mill-bidu nett, u jużaw l-istrumenti kollha possibbli biex itaffu l-konsegwenzi negattivi. Il-baġit tal-Unjoni għandu rwol importanti f'dan ir-rigward biex jiżgura li ħadd ma jitħalla lura .

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)

Kif stipulat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jkun jissupplimenta l-azzjonijiet l-oħra skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Dan ikun jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali u  ekonomiċi ta' tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-Unjoni billi jgħaqqad flimkien l-infiq tal-baġit tal-Unjoni fuq l-objettivi klimatiċi ma' dawk soċjali fil-livell reġjonali.

(4)

Kif stipulat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta jenħtieġ li jissupplimenta l-azzjonijiet l-oħra skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Dan jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali , ekonomiċi ambjentali, b'mod partikolari għall-ħaddiema milquta fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-Unjoni sal-2050 billi jgħaqqad flimkien l-infiq tal-baġit tal-Unjoni fuq l-objettivi klimatiċi u soċjali fil-livell reġjonali , filwaqt li jippromwovi ekonomija sostenibbli, impjiegi ekoloġiċi u s-saħħa pubblika .

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ( ust Transition Fund, “JTF”) li huwa wieħed mill-pilastri tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta implimentat skont il-politika ta' koeżjoni. L-għan tal-JTF huwa li jtaffi l-effetti negattivi tat-tranżizzjoni klimatika billi jappoġġa l-aktar territorji affettwati u l-aktar ħaddiema kkonċernati. F'konformità mal-objettiv speċifiku tal-JTF, jeħtieġ li l-azzjonijiet appoġġati mill-JTF jikkontribwixxu direttament biex itaffu l-impatt tat-tranżizzjoni billi jiffinanzjaw id-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija lokali u billi jtaffu r-riperkussjonijiet negattivi fuq l-impjiegi. Dan huwa rifless fl-għan speċifiku tal-JTF, li huwa stabbilit fl-istess livell u elenkat flimkien mal-objettivi tal-politika stipulati fl-Artikolu [4] tar-Regolament UE [RDK ġdid].

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ( Just Transition Fund, “JTF”) li huwa wieħed mill-pilastri tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta implimentat skont il-politika ta' koeżjoni. L-għan tal-JTF huwa li jtaffi l-effetti negattivi tat-tranżizzjoni klimatika u jikkumpensa għalihom billi jappoġġa l-aktar territorji affettwati u l-aktar ħaddiema kkonċernati u li jippromwovi tranżizzjoni soċjoekonomika bbilanċjata li tiġġieled il-prekarjetà soċjali u ambjent ta' negozju instabbli . F'konformità mal-objettiv speċifiku tal-JTF, jenħtieġ li l-azzjonijiet appoġġati mill-JTF jikkontribwixxu direttament biex itaffu l-impatt tat-tranżizzjoni billi jiffinanzjaw id-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija lokali billi jirriġeneraw l-assi naturali u billi jtaffu r-riperkussjonijiet negattivi fuq l-impjiegi u fuq l-istandards tal-għajxien . Dan huwa rifless fl-għan speċifiku tal-JTF, li huwa stabbilit fl-istess livell u elenkat flimkien mal-objettivi tal-politika stipulati fl-Artikolu [4] tar-Regolament UE [RDK ġdid].

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Fid-dawl tal-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f'konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi, l-impenn rigward l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ambizzjoni akbar tal-Unjoni kif propost fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, jeħtieġ li l-JTF jipprovdi kontribut ewlieni biex l-azzjonijiet klimatiċi jiġu integrati. Ir-riżorsi mill-pakkett proprju tal-JTF huma addizzjonali u jiżdiedu mal-investimenti li huma meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ġenerali ta' 25  % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-objettivi dwar il-klima. Ir-riżorsi ttrasferiti mill-FEŻR u l-FSE+ se jikkontribwixxu kompletament biex tintlaħaq din il-mira.

(6)

Fid-dawl tal-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f'konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi, l-impenn rigward l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ambizzjoni akbar tal-Unjoni kif propost fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, jenħtieġ li l-JTF jipprovdi kontribut ewlieni biex l-azzjonijiet klimatiċi u ambjentali jiġu integrati. Ir-riżorsi mill-pakkett proprju tal-JTF huma addizzjonali u jiżdiedu mal-investimenti li huma meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ġenerali ta' 30  % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-objettivi dwar il-klima. Ir-riżorsi ttrasferiti fuq bażi volontarja mill-FEŻR u l-FSE+ jistgħu jikkontribwixxu kompletament biex tintlaħaq din il-mira.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)

Jeħtieġ li r-riżorsi mill-JTF jissupplimentaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-politika ta' koeżjoni.

(7)

Jenħtieġ li r-riżorsi mill-JTF jissupplimentaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-politika ta' koeżjoni. Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-JTF ma jwassalx għal tnaqqis fil-fondi l-oħra ta' koeżjoni, jew għal trasferimenti obbligatorji minnhom.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tippreżenta sfida lill-Istati Membri kollha. Dan se jkun partikolarment eżiġenti fuq dawk l-Istati Membri li jiddependu ħafna mill-fjuwils fossili jew minn attivitajiet industrijali b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra li se jiġu eliminati b'mod gradwali jew li għandhom bżonn jadattaw għal tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu dan. Għaldaqstant il-JTF jeħtieġ li jkopri l-Istati Membri kollha, iżda d-distribuzzjoni tal-mezzi finanzjarji jeħtieġ li tirrifletti l-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw l-investimenti neċessarji biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

(8)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima tippreżenta sfida għall-Istati Membri kollha. Dan se jkun partikolarment impenjattiv għal dawk l-Istati Membri li jiddependu ħafna , jew li sa ftit żmien ilu kienu qed jiddependu ħafna, mill-fjuwils fossili jew minn attivitajiet industrijali b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra li hemm bżonn li jiġu eliminati b'mod gradwali jew li għandhom bżonn jadattaw għal tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu dan. Għaldaqstant, il-JTF jenħtieġ li jkopri l-Istati Membri kollha, iżda d-distribuzzjoni tal-mezzi finanzjarji tiegħu jenħtieġ li tiffoka fuq dawk it-territorji l-aktar milquta, u tirrifletti l-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw l-investimenti neċessarji biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika , b'attenzjoni partikolari għar-reġjuni l-anqas żviluppati, ir-reġjuni ultraperiferiċi, muntanjużi, il-gżejjer, iż-żoni skarsament popolati, rurali, remoti u ġeografikament żvantaġġjati li l-popolazzjoni żgħira tagħhom tagħmel it-tranżizzjoni fl-enerġija lejn in-newtralità klimatika aktar diffiċli biex tiġi implimentata, u filwaqt li titqies il-pożizzjoni tat-tluq ta' kull Stat Membru.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

Sabiex jiġi stabbilit qafas finanzjarju xieraq għall-JTF, jeħtieġ li l-Kummissjoni tistipula t-tqassim annwali tal-allokazzjonijiet disponibbli għal kull Stat Membru taħt il-mira tal- Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, abbażi ta' kriterji oġġettivi.

(9)

Sabiex jiġi stabbilit qafas finanzjarju xieraq għall-JTF, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistipula t-tqassim annwali tal-allokazzjonijiet disponibbli għal kull Stat Membru taħt il-mira tal- Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, abbażi ta' kriterji oġġettivi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-muniċipalitajiet u l-bliet ikollhom aċċess dirett għar-riżorsi tal-JTF li jiġu magħmula disponibbli għalihom skont il-ħtiġijiet oġġettivi tagħhom.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10)

Dan ir-Regolament jidentifika t-tipi ta' investimenti li għalihom in-nefqa tista' tiġi appoġġata mill-JTF. Jeħtieġ li l-attivitajiet kollha li jirċievu sostenn ikollhom segwitu b'rispett sħiħ tal-prijoritajiet klimatiċi u  ambjentali tal-Unjoni. Jeħtieġ li l-lista ta' investimenti tinkludi dawk li jappoġġaw l-ekonomiji lokali u li jkunu sostenibbli fit-tul, filwaqt li jitqiesu l-objettivi kollha tal-Patt Ekoloġiku. Jeħtieġ li l-proġetti ffinanzjati jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija li hija newtrali għall-klima u ċirkolari. Għas-setturi li qed inaqqsu, bħall-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-faħam, il-linjite, il-pit u x-shale bituminuż jew fuq l-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' dawn il-fjuwils fossili solidi, l-appoġġ jeħtieġ li jkun marbut mat-tneħħija gradwali tal-attività u t-tnaqqis korrispondenti fil-livell tal-impjiegi. Rigward it-trasformazzjoni tas-setturi b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra, jeħtieġ li l-appoġġ jippromwovi attivitajiet ġodda permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, proċessi jew prodotti ġodda, u  sal-2050 iwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet, f'konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE 2030 (13) u n-newtralità klimatika, filwaqt li jinżammu u jiżdiedu l-impjiegi u tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali. Jeħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lil attivitajiet li jsaħħu l-innovazzjoni u r-riċerka f'teknoloġiji avvanzati u sostenibbli, kif ukoll fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni u  l-konnettività , dment li tali miżuri jgħinu biex jittaffew l-effetti sekondarji negattivi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima u jikkontribwixxu għaliha.

(10)

Dan ir-Regolament jidentifika t-tipi ta' investimenti li għalihom in-nefqa tista' tiġi appoġġata mill-JTF. Jenħtieġ li l-attivitajiet kollha li jirċievu sostenn ikollhom segwitu b'rispett sħiħ tal-impenji u l-prijoritajiet klimatiċi , ambjentali soċjali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-lista ta' investimenti tinkludi dawk li jappoġġaw lill-persuni, lill-komunitajiet u lill-ekonomiji lokali u li jkunu sostenibbli fit-tul, filwaqt li jitqiesu l-objettivi kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali . Jenħtieġ li l-proġetti ffinanzjati jikkontribwixxu għal tranżizzjoni gradwali u sħiħa lejn ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima , ħielsa mit-tniġġis u ċirkolari. Għas-setturi li qed inaqqsu, bħall-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-faħam, il-linjite, il-pit u x-shale bituminuż jew fuq l-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' dawn il-fjuwils fossili solidi, l-appoġġ jenħtieġ li jkun marbut mat-tneħħija gradwali tal-attività u t-tnaqqis korrispondenti fil-livell tal-impjiegi. Rigward it-trasformazzjoni tas-setturi b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra, jenħtieġ li l-appoġġ jippromwovi attivitajiet ġodda permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, proċessi jew prodotti ġodda, u  dan iwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet, f'konformità mal-objettivi klimatiċi tal-UE għall- 2030 (13) u n-newtralità klimatika sal-2050 , filwaqt li jinżammu u jiżdiedu l-impjiegi b'ħiliet u tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali. Jenħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lil attivitajiet li jsaħħu l-innovazzjoni u r-riċerka f'teknoloġiji avvanzati u sostenibbli, kif ukoll fl-oqsma tad-diġitalizzazzjoni , il-konnettività l-mobbiltà intelliġenti u sostenibbli , dment li tali miżuri jgħinu biex jittaffew l-effetti sekondarji negattivi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima u jikkontribwixxu għaliha , filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u tal-enerġija ta' kull Stat Membru. L-importanza tal-kultura, l-edukazzjoni u l-bini tal-komunità għall-proċess ta' transizzjoni jenħtieġ li tiġi ssodisfata wkoll billi jiġu appoġġati attivitajiet li jindirizzaw il-patrimonju tal-minjieri.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini li huma l-jeħtieġ li l-JTF ikopri wkoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema milquta, bil-għan li jgħinhom jadattaw għal opportunitajiet ġodda ta' impjieg, kif ukoll jipprovdi għajnuna lil dawk li qed ifittxu impjieg fit-tiftix ta' opportunitajiet ġodda ta'impjieg kif ukoll l-inklużjoni attiva tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(11)

Sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini li huma l-aktar vulnerabbli għat-tranżizzjoni klimatika, jenħtieġ li l-JTF ikopri wkoll it-titjib tal-ħiliet , it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ tal-ħaddiema milquta u ta' dawk li qed ifittxu impjieg, partikolarment in-nisa , bil-għan li jgħinhom jadattaw għal opportunitajiet ġodda ta' impjieg u jakkwistaw kwalifiki ġodda li jkunu adattati għall-ekonomija ekoloġika , kif ukoll jipprovdi għajnuna lil dawk li qed ifittxu impjieg fit-tiftix ta' opportunitajiet ġodda ta' impjieg kif ukoll l-inklużjoni attiva tagħhom fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali tkun prinċipju gwida biex jiġi pprovdut appoġġ taħt il-JTF.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12)

Sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni ekonomika tat-territorji milquta mit-tranżizzjoni, jeħtieġ li l-JTF jipprovdi appoġġ għal investimenti produttivi fl-SMEs. Investiment produttiv jeħtieġ li jkun jinftiehem bħala investiment f'kapital fiss jew f'assi immaterjali ta' intrapriżi bil-ħsieb li jiġu prodotti oġġetti u servizzi u b'hekk jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' kapital gross u għall-impjiegi. Għal intrapriżi li mhumiex SMEs, jeħtieġ li l-investimenti produttivi jiġu appoġġati biss jekk ikunu meħtieġa biex itaffu t-telf ta' impjiegi li jirriżulta mit-tranżizzjoni, billi joħolqu jew jipproteġu għadd sinifikanti ta' impjiegi u ma jwasslux għal rilokazzjoni jew jirriżultaw minnha. Jeħtieġ li jitħallew isiru investimenti f'faċilitajiet industrijali eżistenti, inklużi dawk koperti mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, jekk jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u jmorru sew taħt il-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u jekk jirriżultaw fil-protezzjoni ta' għadd sinifikanti ta' impjiegi. Kull investiment bħal dan jeħtieġ li jiġi ġġustifikat skont il-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta rilevanti. Sabiex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u l-politika ta' koeżjoni, l-appoġġ lill-impriżi li joperaw jeħtieġ li jkun konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kif stipulat fl-Artikoli 107 u 108 TFUE u, b'mod partikolari, l-appoġġ għal investimenti produttivi minn intrapriżi għajr l-SMEs jeħtieġ li jkunu limitati għal intrapriżi li jinsabu f'żoni nnominati bħala żoni megħjuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(a) u (c) TFUE.

(12)

Sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni ekonomika tat-territorji milquta mit-tranżizzjoni, jenħtieġ li l-JTF jipprovdi appoġġ għal investimenti produttivi fl-SMEs. Investiment produttiv jenħtieġ li jkun jinftiehem bħala investiment f'kapital fiss jew f'assi immaterjali ta' intrapriżi bil-ħsieb li jiġu prodotti oġġetti u servizzi u b'hekk jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta' kapital gross u għall-impjiegi. Għal intrapriżi li mhumiex SMEs, jenħtieġ li l-investimenti produttivi jiġu appoġġati biss jekk ikunu meħtieġa biex itaffu t-telf ta' impjiegi li jirriżulta mit-tranżizzjoni, billi joħolqu jew jipproteġu għadd sinifikanti ta' impjiegi u ma jwasslux għal rilokazzjoni jew jirriżultaw minnha. Jenħtieġ li jitħallew isiru investimenti f'faċilitajiet industrijali eżistenti, inklużi dawk koperti mill-Iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, jekk jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 u jmorru sew taħt il-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u jekk jirriżultaw fil-ħolqien u ż-żamma ta' għadd sinifikanti ta' impjiegi. Jenħtieġ li kwalunkwe investiment bħal dan jiġi ġġustifikat kif xieraq fil-pjan għal tranżizzjoni ġusta territorjali rilevanti , ikun sostenibbli u, fejn applikabbli, ikun konsistenti mal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” u l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” . Sabiex tiġi protetta l-integrità tas-suq intern u l-politika ta' koeżjoni, l-appoġġ lill-impriżi li joperaw jenħtieġ li jkun konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kif stipulat fl-Artikoli 107 u 108 TFUE.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)

Appoġġ għal investiment produttiv f'intrapriżi permezz tal-JTF, minbarra l-SMEs, jenħtieġ li jkun limitat għal reġjuni anqas żviluppati u dawk fi tranżizzjoni kif stipulat fl-Artikolu 102(2) tar-Regolament Nru …/… [RDK].

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13)

Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jeħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (“FSE+”) jew mill-Fond ta' Koeżjoni. Skont l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], ir-riżorsi tal-JTF għandhom jissaħħu b'finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. L-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE+ jeħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta' operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

(13)

Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jenħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (“FSE+”) jew mill-Fond ta' Koeżjoni. Skont l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], ir-riżorsi tal-JTF jistgħu jissaħħu fuq bażi volontarja b'finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. L-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE+ jenħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta' operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14)

Jeħtieġ li l-appoġġ tal-JTF ikun jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' proċess ta' tranżizzjoni f'territorju speċifiku sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u bl-appoġġ tal-Kummissjoni, iħejju pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, li jagħtu dettalji dwar il-proċess ta' tranżizzjoni, b'mod konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi Pjattaforma ta' Tranżizzjoni Ġusta sabiex tibni fuq il-pjattaforma eżistenti għar-reġjuni karboniferi fi tranżizzjoni biex tippermetti li jsiru skambji bilaterali u multilaterali dwar l-esperjenza fit-tagħlimiet miksuba u fl-aħjar prattiki fis-setturi kollha affettwati.

(14)

Jenħtieġ li l-appoġġ tal-JTF ikun jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva u li titkejjel ta' proċess ta' tranżizzjoni f'territorju speċifiku sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jenħtieġ li , fi djalogu soċjali u f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti skont il-prinċipju ta' sħubija stabbilit mill-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) …/… [RDK ġdid] u bl-appoġġ tal-Kummissjoni, iħejju pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, li jagħtu dettalji dwar il-proċess ta' tranżizzjoni, b'mod konsistenti mal-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima , u possibbilment li jmorru lil hinn minnhom . Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi Pjattaforma ta' Tranżizzjoni Ġusta sabiex tibni fuq il-pjattaforma eżistenti għar-reġjuni karboniferi fi tranżizzjoni biex tippermetti li jsiru skambji bilaterali u multilaterali dwar l-esperjenza fit-tagħlimiet miksuba u fl-aħjar prattiki fis-setturi kollha affettwati.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15)

Jeħtieġ li l-pjanijiet ta' tranżizzjoni jidentifikaw it-territorji l-aktar milquta ħażin, fejn l-appoġġ tal-JTF jeħtieġ li jkun ikkonċentrat u jiddeskrivu azzjonijiet speċifiċi li jridu jittieħdu biex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima, b'mod partikolari fir-rigward tal-konverżjoni jew l-għeluq ta' faċilitajiet li jinvolvu l-produzzjoni ta' fjuwils fossili jew attivitajiet b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra. Jeħtieġ li dawn it-territorji jiġu ddefiniti b'mod preċiż u jkunu jikkorrispondu mar-reġjuni tan-NUTS livell 3 jew ikunu partijiet minnha. Jeħtieġ li l-pjanijiet jiddeskrivu fid-dettall l-isfidi u  l-ħtiġijiet ta' dawn it-territorji u jidentifikaw it-tip ta' operazzjonijiet meħtieġa b'mod li jiġi żgurat l-iżvilupp koerenti ta' attivitajiet ekonomiċi reżiljenti għat-tibdil fil-klima li jkunu wkoll konsistenti mat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Huma biss l-investimenti skont il-pjanijiet ta' tranżizzjoni li jeħtieġ jirċievu appoġġ finanzjarju mill-JTF. Jeħtieġ li l-pjanijiet territorjali ta' tranżizzji ġusta jkunu parti mill-programmi (appoġġati mill-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta' Koeżjoni jew il-JTF) li huma approvati mill-Kummissjoni.

(15)

Jenħtieġ li l-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta jidentifikaw it-territorji l-aktar milquta ħażin, fejn l-appoġġ tal-JTF jenħtieġ li jkun ikkonċentrat u jiddeskrivu azzjonijiet speċifiċi li jridu jittieħdu biex jinkisbu l-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 , b'mod partikolari fir-rigward tal-konverżjoni jew l-għeluq ta' faċilitajiet li jinvolvu l-produzzjoni ta' fjuwils fossili jew attivitajiet b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra , filwaqt li jinżammu u jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjiegi fit-territorji milquta sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali. Jenħtieġ li jitqiesu fatturi aggravanti bħar-rati tal-qgħad u t-tendenzi tad-depopolazzjoni . Jenħtieġ li dawn it-territorji jiġu ddefiniti b'mod preċiż u jkunu jikkorrispondu mar-reġjuni tan-NUTS livell 3 jew ikunu partijiet minnha. Jenħtieġ li l-pjanijiet jiddeskrivu fid-dettall l-isfidi , il-ħtiġijiet l-opportunitajiet ta' dawk it-territorji u jidentifikaw it-tip ta' operazzjonijiet meħtieġa b'mod li jiġi żgurat l-iżvilupp koerenti ta' attivitajiet ekonomiċi reżiljenti għat-tibdil fil-klima li jkunu wkoll konsistenti mat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew . Huma biss l-investimenti skont il-pjanijiet ta' tranżizzjoni li jenħtieġ li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-JTF. Jenħtieġ li l-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta jkunu parti mill-programmi (appoġġati mill-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta' Koeżjoni jew il-JTF , skont il-każ ) li huma approvati mill-Kummissjoni.

Emenda 17

Proposta għal regolament

Premessa 19

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(19)

L-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu appoġġati territorji li jkunu qed jiffaċċjaw trasformazzjoni ekonomika u soċjali fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija newtrali għall-klima, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment. Ir-raġunijiet ewlenin f'dan ir-rigward huma, minn naħa waħda, id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tat-territorji differenti u r-ritard ta' dawk it-territorji li huma anqas favoriti, kif ukoll il-limitu fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u tat-territorji u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa għal qafas ta' implimentazzjoni koerenti li jkopri diversi fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża. Billi dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(19)

L-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu appoġġati n-nies, l-ekonomija u l-ambjent ta' territorji li jkunu qed jiffaċċjaw trasformazzjoni ekonomika u soċjali fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija newtrali għall-klima, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwalment. Ir-raġunijiet ewlenin f'dan ir-rigward huma, minn naħa waħda, id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tat-territorji differenti u r-ritard ta' dawk it-territorji li huma anqas favoriti, kif ukoll il-limitu fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri u tat-territorji u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa għal qafas ta' implimentazzjoni koerenti li jkopri diversi fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża u li jiżgura l-konformità mal-istandards soċjali u ambjentali għoljin u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema . Billi dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Fund, “JTF”) biex jipprovdi appoġġ lit-territorji li qed jaffaċċaw sfidi soċjoekonomiċi serji li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn ekonomija tal-UE newtrali għall-klima sal-2050.

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (Just Transition Fund, “JTF”) biex jipprovdi appoġġ lin-nies, l-ekonomija u l-ambjent ta' territorji li qed jaffaċċaw sfidi soċjoekonomiċi serji li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn l-ilħuq tal-miri tal-2030 tal-Unjoni għall-enerġija u l-klima, u lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima sal-2050.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu [4 (1)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li “jippermetti lir-reġjuni u  n-nies jindirizzaw l-impatti soċjali u  ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima”.

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu [4(1)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li “jippermetti lir-reġjuni , in-nies, l-intrapriżi partijiet ikkonċernati oħra jindirizzaw l-impatti soċjali , tal-impjieg, ekonomiċi ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima” sal-2050 u l-miri intermedjarji għall-2030, f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi .

Emenda 20

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Ir-riżorsi għall-FTĠ fil-kuntest tal-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi li huma disponibbli bħala impenn baġitarju għall-perjodu mill-2021 sal-2027 għandhom ilaħħqu l-EUR  11 270 459 000 fi prezzijiet attwali , ammont li jista' jiżdied, skont il-każ, b'riżorsi addizzjonali allokati fil-baġit tal-Unjoni, u b'riżorsi oħra skont l-att bażiku applikabbli.

2.   Ir-riżorsi għall-JTF fil-kuntest tal-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi li huma disponibbli bħala impenn baġitarju għall-perjodu mill-2021 sal-2027 għandhom ilaħħqu l-EUR  25 358 532 750 fi prezzijiet tal-2018 (“ammont prinċipali”) , u m'għandhomx jirriżultaw mit-trasferiment ta' riżorsi minn Fondi oħra koperti mir-Regolament (UE) …/… [RDK ġdid]. L-ammont prinċipali jista' jiżdied, skont il-każ, b'riżorsi addizzjonali allokati fil-baġit tal-Unjoni, u b'riżorsi oħra skont l-att bażiku applikabbli.

Emenda 21

Proposta għal regolament

Artikolu 3a – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.    It-tqassim annwali tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 mill-Istati Membri għandu jiġi inkluż fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness I.

3.    Fuq it-talba ta' Stat Membru, l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun disponibbli wkoll għas-snin 2025-2027. Għal kull perjodu, it-tqassimiet annwali rispettivi tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mill-Istati Membri għandu jiġi inkluż fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness I.

Emenda 22

Proposta għal regolament

Artikolu 3b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 3b

Mekkaniżmu ta' Premjar Ekoloġiku

18 % tat-total tal-ammonti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3a(1) għandhom jiġu allokati skont kemm l-Istati Membri jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra malajr, diviżi bl-aħħar ING medju tagħhom.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Artikolu 3c (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 3c

Allokazzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer

1 % tat-total tal-ammonti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3a(1) għandu jkun allokazzjoni speċifika għall-gżejjer, u 1 % għandu jkun allokazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi, kif imsemmi fl-Artikolu 349 tat-TFUE, mogħtija lill-Istati Membri kkonċernati.

Emenda 66

Proposta għal regolament

Artikolu 3d (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 3d

Aċċess għall-JTF

L-aċċess għall-JTF għandu jkun kundizzjonali fuq l-adozzjoni ta' objettiv nazzjonali lejn l-ilħiq ta' newtralità klimatika sal-2050.

Għal dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx mira nazzjonali ta' newtralità klimatika, se jiġi biss rilaxxat biss 50 % tal-allokazzjoni nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-50 % li jifdal se jsir disponibbli ladarba jkunu adottaw dik il-mira.

Emenda 24

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a)

investimenti produttivi fl-SMEs, inklużi negozji ġodda, li jwasslu għal diversifikazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

(a)

investimenti produttivi u sostenibbli fil-mikrointrapriżi u fl-SMEs, inklużi negozji ġodda u turiżmu sostenibbli , li jwasslu għal ħolqien tal-impjiegi, modernizzazzjoni, diversifikazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

Emenda 25

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

investimenti fil-ħolqien ta' ditti ġodda, inkluż permezz ta' inkubaturi tan-negozju u servizzi ta' konsulenza;

(b)

investimenti fil-ħolqien ta' ditti ġodda u fl-iżvilupp ta' dawk eżistenti , inkluż permezz ta' inkubaturi tan-negozju u servizzi ta' konsulenza , li jwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi ;

Emenda 26

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt ba (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba)

investimenti fl-infrastrutturi soċjali, li jwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi u diversifikazzjoni ekonomika;

Emenda 27

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

investimenti f'attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni u  t-trawwim ta' trasferiment ta' teknoloġiji avvanzati;

(c)

investimenti f'attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni , inkluż fl-universitajiet fl-istituti pubbliċi ta' riċerka u t-trawwim tat-trasferiment ta' teknoloġiji avvanzati u lesti għas-suq ;

Emenda 28

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

investimenti fl-użu ta' teknoloġija u infrastrutturi għal enerġija nadifa u affordabbli, fi tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, fl-effiċjenza enerġetika u  fl-enerġija rinnovabbli;

(d)

investimenti fl-użu ta' teknoloġija u infrastrutturi għal enerġija nadifa u affordabbli u s-sistemi tagħhom , fit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, l-effiċjenza enerġetika , it-teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija l-enerġija rinnovabbli u sostenibbli, meta tali investimenti jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi u ż-żamma ta' impjiegi sostenibbli fuq skala kbira ;

Emenda 29

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt da (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(da)

investimenti f'mobbiltà intelliġenti u sostenibbli u infrastruttura tat-trasport li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

Emenda 30

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt db (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(db)

investimenti fi proġetti li jiġġieldu l-faqar enerġetiku, b'mod partikolari fl-akkomodazzjoni soċjali, u li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika, approċċ newtrali għall-klima u tisħin distrettwali b'emissjonijiet baxxi fir-reġjuni l-aktar milquta;

Emenda 31

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt e

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e)

investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali;

(e)

investimenti fid-diġitalizzazzjoni , l-innovazzjoni diġitali u l-konnettività diġitali , inklużi l-agrikoltura diġitali u dik ta' preċiżjoni ;

Emenda 32

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt f

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(f)

investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta' siti, restawr ta' art u proġetti ta' adattament;

(f)

investimenti fl-infrastruttura ekoloġika kif ukoll fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta' siti, artijiet abbandunati (brownfields) u proġetti ta' adattament , kull meta ma jkunx jista' jiġi applikat il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” ;

Emenda 104

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt g

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(g)

investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari , inkluż permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

(g)

investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ tal-iskart;

Emenda 33

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt ga (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ga)

ħolqien u żvilupp ta' servizzi soċjali u pubbliċi ta' interess ġenerali;

Emenda 34

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt gb (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(gb)

investimenti fil-kultura, l-edukazzjoni u l-bini tal-komunità, inkluża l-valorizzazzjoni tal-wirt tanġibbli u intanġibbli tal-minjieri u ċ-ċentri tal-komunità;

Emenda 35

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt h

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(h)

it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema;

(h)

it-titjib tal-ħiliet , it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ tal-ħaddiema u ta' min ikun qed ifittex impjieg ;

Emenda 36

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt i

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(i)

għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg;

(i)

għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg , appoġġ għal tixjiħ attiv u appoġġ għall-introjtu għal ħaddiema fi tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor ;

Emenda 37

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 1 – punt j

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(j)

l-inklużjoni attiva ta' min ikun qed ifittxu impjieg;

(j)

l-inklużjoni attiva ta' min ikun qed ifittex impjieg , partikolarment in-nisa, il-persuni b'diżabbiltà u l-gruppi vulnerabbli ;

Emenda 38

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Barra minn hekk, il-JTF jista' jappoġġa, f'żoni magħżula bħala żoni megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) TFUE , investimenti produttivi f'intrapriżi li mhumiex SMEs, sakemm dawn l-investimenti jkunu ġew approvati bħala parti mill-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta bbażat fuq l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (h) tal-Artikolu 7(2). Dawn l-investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

Barra minn hekk, il-JTF jista' jappoġġa, f'reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni kif stipulat fl-Artikolu 102(2) tar-Regolament Nru. …/… [RDK ġdid] , investimenti produttivi f'intrapriżi li mhumiex SMEs, dment li dawn l-investimenti jkunu ġew approvati bħala parti mill-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta bbażat fuq l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (h) tal-Artikolu 7(2). Dawn l-investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta , biex jinħolqu impjiegi ġodda, u meta dawn jikkonformaw ma' miri soċjali għall-ħolqien tal-impjiegi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-pagi ugwali u l-miri ambjentali, u fejn dawn jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima mingħajr ma jappoġġaw ir-rilokazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru ../… [RDK ġdid].

Emenda 39

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2 – subparagrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-JTF jista' jappoġġa investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dment li dawn l-investimenti jkunu ġew approvati bħala parti mill-pjan ta' tranżizzjoni territorjali bbażat fuq l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (i) tal-Artikolu 7(2). Dawn l-investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

Il-JTF jista' jappoġġa investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dment li dawn l-investimenti jkunu ġew approvati bħala parti mill-pjan ta' tranżizzjoni territorjali bbażat fuq l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (i) tal-Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament u li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet l-oħra stabbiliti fis-subparagrafu 2 ta' dan il-paragrafu . Dawn l-investimenti għandhom ikunu eliġibbli biss meta jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta.

Emenda 40

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

impriżi f'diffikultà, kif definiti fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (16);

(c)

impriżi f'diffikultà, kif definiti fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (16) , ħlief f'każijiet fejn id-diffikultajiet jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni tal-enerġija jew fejn id-diffikultajiet ikunu bdew wara l-15 ta' Frar 2020 u jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19 ;

Emenda 41

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

investiment relatat mal-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il-ħażin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili;

(d)

investiment relatat mal-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-ħżin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili;

Emenda 42

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt e

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e)

investiment fl-infrastruttura tal-broadband f'żoni fejn hemm mill-inqas żewġ netwerks tal-broadband ta' kategorija ekwivalenti.

(e)

investiment fl-infrastruttura tal-broadband f'żoni fejn soluzzjonijiet ekwivalenti huma pprovduti mis-suq f'kundizzjonijiet kompetittivi lill-klijenti;

Emenda 43

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt ea (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ea)

investiment f'intrapriżi li mhumiex SMEs, li jinvolvu t-trasferiment tal-impjiegi u tal-proċessi ta' produzzjoni minn Stat Membru għall-ieħor jew għal pajjiż terz;

Emenda 44

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt eb (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(eb)

operazzjonijiet f'reġjun NUTS 2 fejn il-ftuħ ta' minjiera ġdida tal-faħam, tal-linjite jew taż-żejt tax-shale jew għalqa għall-estrazzjoni tal-pit, jew il-ftuħ mill-ġdid ta' minjiera dekummissjonata b'mod temporanju tal-faħam, tal-linjite jew taż-żejt tax-shale jew ta' għalqa għall-estrazzjoni tal-pit, ikun skedat għal matul id-durata tal-programm.

Emenda 45

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

B'deroga mill-punt (d) tal-Artikolu 5(1) ta' dan ir-Regolament, għar-reġjuni li jiddependu ħafna fuq l-estrazzjoni u l-kombustjoni tal-faħam, il-linjite, ix-xejl taż-żejt jew il-pit, il-Kummissjoni tista' tapprova pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta li jinkludu investimenti f'attivitajiet relatati mal-gass naturali, dment li tali attivitajiet jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852  (16a) [Tassonomija] u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

 

(a)

jintużaw bħala teknoloġija li sservi ta' pont li tieħu post il-faħam, il-linjite, il-pit jew ix-xejl taż-żejt;

 

(b)

ikunu fil-limiti tad-disponibbiltà sostenibbli jew kompatibbli mal-użu tal-idroġenu nadif, il-bijogass u l-bijometanu;

 

(c)

jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali tal-Unjoni dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, permezz tal-aċċelerazzjoni tal-eliminazzjoni gradwali sħiħa tal-faħam, il-linjite, il-pit jew iż-żejt bituminuż;

 

(d)

iwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra u t-tniġġis tal-arja u jżidu l-effiċjenza enerġetika;

 

(e)

jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku;

 

(f)

ma jfixklux l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-territorji kkonċernati u jkunu kompatibbli u f'sinerġija ma' użu futur ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

 

F'każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tista' wkoll tapprova investimenti f'attivitajiet li ma jikkwalifikawx skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 [Tassonomija], jekk jikkonformaw mal-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u jekk l-Istat Membru jkun jista' jiġġustifika, fil-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, il-ħtieġa li jiġu appoġġati dawk l-attivitajiet u juri l-konsistenza ta' dawk l-attivitajiet mal-objettivi u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima, kif ukoll il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tiegħu.

Emenda 46

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-riżorsi tal-JTF għandhom jiġu pprogrammati għall-kategoriji tar-reġjuni fejn jinsabu t-territorji kkonċernati, fuq il-bażi tal-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta stabbiliti skont l-Artikolu 7 u approvati mill-Kummissjoni bħala parti minn programm jew emenda ta' programm. Ir-riżorsi programmati għandhom jieħdu l-forma ta' programm speċifiku wieħed jew aktar jew ta' prijorità waħda jew aktar fil-kuntest ta' programm.

Ir-riżorsi tal-JTF għandhom jiġu pprogrammati għall-kategoriji tar-reġjuni fejn jinsabu t-territorji jew l-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati, fuq il-bażi tal-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta stabbiliti skont l-Artikolu 7 u approvati mill-Kummissjoni bħala parti minn programm jew emenda ta' programm. Ir-riżorsi programmati għandhom jieħdu l-forma ta' programm speċifiku wieħed jew aktar jew ta' prijorità waħda jew aktar fil-kuntest ta' programm.

Emenda 47

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 1 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha tapprova programm biss fejn l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta' tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta rilevanti, tkun debitament iġġustifikata u l-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta rilevanti jkun konsistenti mal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru kkonċernat.

Dment li ma tiġġustifikax b'mod debitu r-raġuni għar-rfjut tal-approvazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tapprova programm fejn it-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta' tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta rilevanti, ikunu debitament iġġustifikati u l-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta rilevanti jkun konsistenti mal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru kkonċernat , l-objettiv ta' newtralità klimatika sal-2050, il-passi intermedji sal-2030 u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .

Emenda 48

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri u r-riżorsi trasferiti skont l-Artikolu [21a] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid]. It-total tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ ittrasferit lill-prijorità tal-JTF għandu jkun mill-inqas ugwali għal darba u nofs l-ammont ta' sostenn mill-JTF għal dik il-prijorità iżda ma għandux jaqbeż tliet darbiet dak l-ammont .

2.   Il-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri . Dawk ir-riżorsi jistgħu jiġu komplementati bir-riżorsi trasferiti fuq bażi volontarja skont l-Artikolu [21a] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid]. It-total tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ li jrid jiġi ttrasferit lill-prijorità tal-JTF m'għandux jaqbeż darba u nofs l-ammont ta' sostenn mill-JTF għal dik il-prijorità . Ir-riżorsi trasferiti mill-FEŻR u l-FSE+ għandhom iżommu l-objettivi oriġinali tagħhom u jiġu inklużi fil-livelli ta' konċentrazzjoni tematika tal-FEŻR u l-FSE+ .

Emenda 49

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.     Il-JTF huwa mfassal għall-komunitajiet l-aktar vulnerabbli f'kull reġjun, u għalhekk proġetti eliġibbli ffinanzjati taħt il-JTF li jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku fl-Artikolu 2 għandhom jibbenefikaw minn kofinanzjament sa 85 % tal-ispejjeż rilevanti.

Emenda 50

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   L-Istati Membri għanhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet rilevanti tat-territorji kkonċernati, pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju wieħed effettwat jew aktar li jikkorrispondu għal-livell 3 tal-klassifika komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (reġjuni “NUTS livell 3”) kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni ( KE ) Nru  868 / 2014 tal-Kummissjoni (17), jew minn partijiet minnu, f'konformità mal-mudell li jinsab fl-Anness II. Dawn it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-telf mistenni ta' impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta' trasformazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni ta' faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta' gassijiet serra.

1.   L-Istati Membri għandhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti tat-territorji kkonċernati u skont il-prinċipju tas-sħubija stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) …/… [RDK ġdid], u fejn rilevanti, bl-assistenza tal-BEI u l-FEI , pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju affettwat wieħed jew aktar li jikkorrispondu għal-livell 3 tal-klassifika komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (reġjuni “NUTS livell 3”) kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni ( UE 2016 / 2066 tal-Kummissjoni (17), jew minn partijiet minnu, f'konformità mal-mudell li jinsab fl-Anness II. Dawn it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-telf mistenni ta' impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta' trasformazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni ta' faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta' gassijiet serra.

Emenda 51

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a)

deskrizzjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni fil-livell nazzjonali lejn ekonomija newtrali għall-klima , inkluż skeda ta' żmien għall-passi ewlenin ta' tranżizzjoni li jkunu konsistenti mal-aktar verżjoni reċenti tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima ( “NECP” );

(a)

deskrizzjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni fil-livell nazzjonali lejn l-ilħuq tal-objettivi klimatiċi tal-Unjoni tal-2030, u ekonomija klimatikament newtrali sal-2050 , inkluż skeda ta' żmien għall-passi ewlenin ta' tranżizzjoni li jkunu konsistenti mal-aktar verżjoni reċenti tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima ( “NECP” )

Emenda 52

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b)

ġustifikazzjoni għall-identifikazzjoni tat-territorji bħala l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta' tranżizzjoni imsemmija fil-punt (a) u li għandhom jiġu appoġġati mill-JTF, skont il-paragrafu 1;

(b)

ġustifikazzjoni għall-identifikazzjoni tat-territorji bħala l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta' tranżizzjoni imsemmija fil-punt (a) u li għandhom jiġu appoġġati mill-JTF, skont il-paragrafu 1 , inklużi indikaturi bħar-rata tal-qgħad u r-rata tad-depopolazzjoni ;

Emenda 53

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c)

valutazzjoni tal-isfidi ta' tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li tidentifika l-għadd potenzjali ta' impjiegi milquta u t-telf ta' impjiegi, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta' żvilupp li jridu jinkisbu sal-2030 marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta' attivitajiet b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra f'dawn it-territorji;

(c)

valutazzjoni tal-impatt tal-isfidi ta' tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li tidentifika l-għadd potenzjali ta' impjiegi milquta u t-telf ta' impjiegi, l-impatt potenzjali fuq id-dħul tal-gvern, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta' żvilupp marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta' attivitajiet b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra f'dawn it-territorji , u l-isfidi rigward il-faqar enerġetiku ;

Emenda 54

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d)

deskrizzjoni tal-kontribut mistenni tal-appoġġ tal-JTF biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima;

(d)

deskrizzjoni tal-kontribut mistenni tal-appoġġ tal-JTF biex jiġu indirizzati l-impatti soċjali, demografiċi, ekonomiċi , tas-saħħa u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima;

Emenda 55

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – punt e

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e)

valutazzjoni tal-konsistenza tiegħu ma' strateġiji u pjanijiet nazzjonali, reġjonali jew territorjali oħra;

(e)

valutazzjoni tal-konsistenza tiegħu ma' strateġiji u pjanijiet nazzjonali, reġjonali jew territorjali oħra , fejn rilevanti ;

Emenda 56

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – punt h

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(h)

fejn jingħata appoġġ lil investimenti produttivi lil intrapriżi li mhumiex SMEs, lista eżawrjenti ta' dawn l-operazzjonijiet u intrapriżi u ġustifikazzjoni tan-neċessità ta' tali appoġġ permezz ta' analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta' impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta' impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

(h)

fejn jingħata appoġġ lil investimenti produttivi lil intrapriżi li mhumiex SMEs, lista indikattiva ta' dawn l-operazzjonijiet u intrapriżi u ġustifikazzjoni tan-neċessità ta' tali appoġġ permezz ta' analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta' impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta' impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

Emenda 57

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta għandhom jinvolvu lill-imsieħba rilevanti f'konformità mal-Artikolu [6] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid].

3.   It-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta għandhom jinvolvu lis-sħab rilevanti f'konformità mal-Artikolu [6] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid] , u fejn rilevanti, il-BEI u l-FEI .

Emenda 58

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Għall-indikaturi tal-output, il-linji bażi għandhom ikunu stabbiliti għal żero. It-tragwardji stabbiliti għall-2024 u l-miri stabbiliti għall-2029 għandhom ikunu kumulattivi. Il-miri ma għandhomx jiġu riveduti wara li t-talba għal emenda tal-programm ippreżentata skont l-Artikolu [14(2)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid] tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni.

2.   Għall-indikaturi tal-output, il-linji bażi għandhom ikunu stabbiliti għal żero. It-tragwardji stabbiliti għall-2024 u l-miri stabbiliti għall-2029 għandhom ikunu kumulattivi.

Emenda 59

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi, abbażi tal-eżami tar-rapport tal-prestazzjoni finali tal-programm, li ma nkisibx mill-inqas 65 % tal-mira stabbilita għal indikatur ta' output jew riżultat wieħed jew aktar għar-riżorsi tal-JTF, hija tista' tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu [98] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid] billi tnaqqas is-sostenn mill-JTF għall-prijorità kkonċernata b'mod proporzjonali għall-kisbiet .

Abbażi tar-rapport tal-prestazzjoni finali tal-programm, il-Kummissjoni tista' tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji skont ir-Regolament (UE) [RDK ġdid].

Emenda 60

Proposta għal regolament

Artikolu 10a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10a

Dispożizzjonijiet tranżitorji

L-Istati Membri għandhom jibbenefikaw minn perjodu ta' transizzjoni sa… [sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] għat-tħejjija u l-adozzjoni tal-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta. L-Istati Membri kollha għandhom ikunu kompletament eliġibbli għal finanzjament skont dan ir-Regolament matul dak il-perjodu ta' tranżizzjoni, li ma għandux jitqies mill-Kummissjoni meta tkun qed tikkunsidra deċiżjoni dwar diżimpenn jew telf ta' finanzjament.

Emenda 61

Proposta għal regolament

Artikolu 10b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10b

Rieżami

Sa mhux aktar tard minn tmiem ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-implimentazzjoni tal-JTF u tivvaluta jekk huwiex adegwat li jiġi emendat il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu skont il-bidliet possibbli fir-Regolament (UE) 2020/852, l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni kif stipulati fir-Regolament (UE) 2020/… [il-Liġi Ewropea dwar il-Klima] u l-evoluzzjoni fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Finanzi Sostenibbli. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jista' jiġi akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi.


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A9-0135/2020).

(11)  COM(2019)0640, 11.12.2019

(12)  COM(2020)0021, 14.1.2020.

(11)  COM(2019)0640, 11.12.2019

(12)  COM(2020)0021, 14.1.2020.

(13)  Kif stipulat fi “Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (COM (2018)0773).

(13)  Kif stipulat fi “Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (COM (2018)0773).

(14)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(14)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(16a)   Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/317


P9_TA(2020)0225

Determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835 – 2017/0360R(NLE))

(2021/C 385/33)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2017)0835),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 u l-Artikolu 7(1) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-20 ta' April 2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: Ir-rispett u l-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-15 ta' Ottubru 2003 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea – Ir-rispett u l-promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (6),

wara li kkunsidra l-attivazzjoni mill-Kummissjoni tad-djalogu strutturat skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt f'Jannar 2016,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1374 tas-27 ta' Lulju 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (7),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/146 tal-21 ta' Diċembru 2016 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja komplementari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374 (8);

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1520 tas-26 ta' Lulju 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja komplementari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374 u (UE) 2017/146 (9),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/103 tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja komplementari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374, (UE) 2017/146 u (UE) 2017/1520 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017 (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (19),

wara li kkunsidra r-rizoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għar regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri (22),

wara li kkunsidra l-erba' proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Polonja fir-rigward tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, li l-ewwel tnejn minnhom irriżultaw f'sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (23) li sabet ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li ż-żewġ proċeduri l-oħra għadhom pendenti,

wara li kkunsidra t-tliet seduti ta' smigħ tal-Polonja li saru fl-2018 mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali fi ħdan il-qafas tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE,

wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tat-3 ta' Diċembru 2018, b'segwitu għaż-żjara mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Varsavja mid-19 sal-21 ta' Settembru 2018, u s-seduti ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja li saru f'dak il-Kumitat fl-20 ta' Novembru 2018 u fit-23 ta' April 2020;

wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet 2018 tad-WHO dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tal-adolexxenti,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24 ta' Lulju 2014, Al Nashiri v. Il-Polonja (numru tar-rikors 28761/11),

wara li kkunsidra l-Artikoli 89 u 105(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0138/2020),

A.

billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u kif rifless fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u minqux fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.

billi, b'kuntrast mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mhuwiex limitat għall-oqsma koperti bid-dritt tal-Unjoni, kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2003, u billi l-Unjoni għalhekk tista' tivvaluta l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mhux biss f'każ ta' ksur f'dan il-qasam limitat iżda anki f'każ ta' ksur f'qasam fejn l-Istati Membri jaġixxu b'mod awtonomu;

C.

billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn jimmaterjalizza r-riskju iżda għandu impatt negattiv fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u fuq in-natura proprja tal-Unjoni;

D.

billi l-Istati Membri, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, liberament u volontarjament, impenjaw ruħhom favur il-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 tiegħu;

1.

Jiddikjara li t-tħassib tal-Parlament jirrigwarda l-kwistjonijiet li ġejjin:

il-funzjonament tas-sistema leġiżlattiva u dik elettorali,

l-indipendenza tal-ġudikatura u d-drittijiet tal-imħallfin,

il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

2.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu, espressa f'diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Polonja, li l-fatti u x-xejriet imsemmija f'din ir-riżoluzzjoni meħuda flimkien jirrappreżentaw theddida sistemika għall-valuri tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jikkostitwixxu riskju ċar ta' ksur serju tiegħu;

3.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li, minkejja tliet seduti ta' smigħ mal-awtoritajiet Pollakki fil-Kunsill, diversi skambji ta' fehmiet fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew fil-preżenza tal-awtoritajiet Pollakki, rapporti allarmanti min-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kunsill tal-Ewropa, u erba' proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja mhux biss ma ġietx indirizzata iżda ddeterjorat serjament minn mindu ġiet skattata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(1) tat-TUE; huwa tal-fehma li d-diskussjonijiet fil-Kunsill fi ħdan il-qafas tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(1) tat-TUE la kienu regolari u lanqas strutturati, u la indirizzaw b'mod suffiċjenti l-kwistjonijiet sostanzjali li kienu jeħtieġu l-attivazzjoni tal-proċedura u lanqas ma identifikaw b'mod adegwat l-impatt li l-azzjonijiet tal-Gvern Pollakk qed ikollhom fuq il-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE;

4.

Jinnota li l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE, rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (24) għandha kamp ta' applikazzjoni limitat, li huwa s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja fis-sens strett tal-indipendenza tal-ġudikatura; jara ħtieġa urġenti li l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta motivata jitwessa' billi jiġu inklużi riskji ċari ta' ksur serju ta' valuri bażiċi oħra tal-Unjoni, speċjalment id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

5.

Huwa tal-fehma li l-aħħar żviluppi fis-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE għal darb'oħra jissottolinjaw il-ħtieġa imminenti ta' mekkaniżmu komplementari u preventiv tal-Unjoni dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali kif propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016;

6.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, inkluża l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-benefiċjarji, u jistieden lill-Kunsill jibda negozjati interistituzzjonali malajr kemm jista' jkun;

7.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-pakkett baġitarju għall-Programm il-ġdid dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li jiġi pprovdut finanzjament adegwat lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u lokali tas-soċjetà ċivili biex ikabbru l-għeruq għall-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, inkluża l-Polonja;

Il-funzjonament tas-sistema leġiżlattiva u dik elettorali fil-Polonja

Użu tas-setgħat ta' reviżjoni kostituzzjonali mill-Parlament Pollakk

8.

Jiddenunċja l-fatt li l-Parlament Pollakk assuma setgħat ta' reviżjoni kostituzzjonali li ma kellux meta aġixxa bħala l-leġiżlatura ordinarja fl-adozzjoni tal-Att tat-22 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali (25) u l-Att tat-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali (26), kif misjub mit-Tribunal Kostituzzjonali fis-sentenzi tiegħu tad-9 ta' Marzu (27), tal-11 ta' Awwissu (28) u tas-7 ta' Novembru 2016 (29) (30);

9.

Jiddispjaċih, barra minn hekk, li ħafna atti leġiżlattivi partikolarment sensittivi ġew adottati mill-Parlament Pollakk fi żmien meta r-rieżami kostituzzjonali indipendenti tal-liġijiet ma jistax jibqa' jiġi garantit b'mod effettiv, bħall-Att tat-30 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-att dwar is-Servizz Ċivili u ċerti atti oħra (31), l-Att tal-15 ta' Jannar 2016 li jemenda l-Att dwar il-pulizija u ċerti atti oħra (32), l-Att tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-uffiċċju tal-prosekutur (33) u l-Att tat-28 ta' Jannar 2016 – regolamenti li jimplimentaw l-Att dwar l-uffiċċju tal-prosekutur (34), l-Att tat-18 ta' Marzu 2016 li jemenda l-Att dwar l-Ombudsman u ċerti atti oħra (35), l-Att tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Midja (36), l-Att tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar azzjonijiet kontra t-terroriżmu (37) u diversi atti oħra li jorganizzaw mill-ġdid is-sistema ġudizzjarja b'mod fundamentali (38);

L-użu ta' proċeduri leġiżlattivi mħaffa

10.

Jiddeplora l-użu frekwenti ta' proċeduri leġiżlattivi mħaffa mill-Parlament Pollakk biex jadotta leġiżlazzjoni kruċjali li tfassal mill-ġdid l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-ġudikatura, mingħajr konsultazzjoni sinifikanti mal-partijiet ikkonċernati, inkluża l-komunità ġudizzjarja (39);

Il-liġi elettorali u l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet

11.

Jinnota bi tħassib li l-OSKE kkonkludiet li l-preġudizzju u r-retorika intolleranti tal-midja fil-kampanja għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Ottubru 2019 kienu ta' tħassib sinifikanti (40) u li, filwaqt li l-kandidati kollha setgħu jagħmlu kampanja liberament, uffiċjali għolja tal-istat użaw avvenimenti ffinanzjati pubblikament biex jibagħtu messaġġi tal-kampanja tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li d-dominanza tal-partit fil-gvern fil-midja pubblika kompliet tamplifika l-vantaġġ tiegħu (41); jiddispjaċih li l-ostilità, it-theddid kontra l-midja, ir-retorika intolleranti u l-każijiet ta' użu ħażin tar-riżorsi tal-Istat kellhom effett negattiv fuq il-proċess tal-elezzjoni presidenzjali Pollakka f'Ġunju u Lulju 2020 (42);

12.

Jinsab imħasseb li s-Sezzjoni l-ġdida għall-Kontroll Straordinarju u l-Kwistjonijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema (minn hawn 'il quddiem imsejħa s-“Sezzjoni Straordinarja”), li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma individwi nnominati mill-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura u li taf ma tikkwalifikax bħala tribunal indipendenti fil-valutazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa il-“Qorti tal-Ġustizzja”), għandha r-responsabbiltà li taċċerta l-validità tal-elezzjonijiet u teżamina t-tilwim elettorali; jinnota li dan iqajjem tħassib serju fir-rigward tas-separazzjoni tas-setgħat u l-funzjonament tad-demokrazija Pollakka, minħabba li jagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju ta' tilwim elettorali partikolarment vulnerabbli għall-influwenza politika u jista' joħloq inċertezza legali dwar il-validità ta' tali stħarriġ (43);

13.

Jinnota li fil-Kodiċi ta' Prassi Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali (44) tal-2002 tagħha, il-Kummissjoni ta' Venezja tipprovdi linji gwida ċari dwar l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali waqt emerġenzi pubbliċi, inklużi l-epidemiji; jinnota li, filwaqt li l-Kodiċi jipprevedi l-possibbiltà ta' arranġamenti ta' votazzjoni eċċezzjonali, kwalunkwe emenda biex jiġu introdotti tali arranġamenti tista' titqies li tkun konformi mal-aħjar prattiki Ewropej biss jekk jiġi garantit il-prinċipju ta' suffraġju ħieles; iqis li dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-emendi għall-qafas elettorali għall-elezzjonijiet presidenzjali li kellhom isiru fl-10 ta' Mejju 2020, peress li dawn jistgħu jimpedixxu li l-elezzjonijiet jitwettqu b'mod ġust, sigriet u ekwu, b'rispett sħiħ tal-privatezza (45) u f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46); jinnota barra minn hekk li dawk l-emendi jmorru kontra l-ġurisprudenza tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk żviluppata meta r-rieżami kostituzzjonali kien għadu effettiv, u li kienet tgħid li l-kodiċi ġenerali m'għandux jiġi modifikat 6 xhur qabel kwalunkwe elezzjoni; jinnota bi tħassib li l-posponiment tal-elezzjonijiet presidenzjali tħabbar erbat ijiem biss qabel id-data skedata;

L-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra u d-drittijiet tal-imħallfin fil-Polonja

Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja – kunsiderazzjonijiet ġenerali

14.

Jirrikonoxxi li, filwaqt li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja hija kompetenza nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet ripetutament li l-Istati Membri meħtieġa jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni meta jeżerċitaw dik il-kompetenza; itenni li l-imħallfin nazzjonali huma wkoll imħallfin Ewropej, li japplikaw id-dritt tal-Unjoni, u dan jagħmel l-indipendenza tagħhom kwistjoni ta' tħassib komuni għall-Unjoni, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja, li jeħtiġilha tinforza r-rispett tal-istat tad-dritt kif stipulat fl-Artikolu 19 tat-TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Karta”) fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jħarsu u jżommu l-indipendenza tal-qrati Pollakki;

Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali

15.

Ifakkar li l-Atti li jikkonċernaw it-Tribunal Kostituzzjonali adottati fit-22 ta' Diċembru 2015 u fit-22 ta' Lulju 2016, kif ukoll il-pakkett ta' tliet atti adottat fi tmiem l-2016 (47), dgħajfu serjament l-indipendenza u l-leġittimità tat-Tribunal Kostituzzjonali u li l-Atti tat-22 ta' Diċembru 2015 u tat-22 ta' Lulju 2016 ġew iddikjarati mhux kostituzzjonali mit-Tribunal Kostituzzjonali fid-9 ta' Marzu 2016 u fil-11 ta' Awwissu 2016, rispettivament; ifakkar li dawn is-sentenzi ma ġewx ippubblikati dak iż-żmien u lanqas ma ġew implimentati mill-awtoritajiet Pollakki; jiddeplora serjament il-fatt li minn meta daħlu fis-seħħ il-bidliet leġiżlattivi msemmija hawn fuq (48), il-kostituzzjonalità tal-liġijiet Pollakki ma setgħetx tibqa' tiġi garantita b'mod effettiv fil-Polonja; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħti bidu għal proċedura ta' ksur b'rabta mal-leġiżlazzjoni dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-kompożizzjoni illegali tiegħu u r-rwol tiegħu fil-prevenzjoni tal-konformità mas-sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Novembru 2019 (49);

Ir-reġimi ta' rtirar, ta' ħatra u ta' dixxiplina għall-imħallfin tal-Qorti Suprema

16.

Ifakkar li, fl-2017, b'kaġun tal-bidliet fil-metodu ta' nomina tal-kandidati għall-kariga tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema (minn hawn 'il quddiem l-“Ewwel President”) effettivament għamlu l-parteċipazzjoni tal-imħallfin tal-Qorti Suprema fil-proċedura tal-għażla inutli; jiddenunċja l-fatt li l-Att tal-20 ta' Diċembru 2019 li jemenda l-Att dwar l-organizzazzjoni tal-qrati komuni, l-Att dwar il-Qorti Suprema u ċerti atti oħra (50) (l-“Att tal-20 ta' Diċembru 2019”) saħansitra jkompli jnaqqas il-parteċipazzjoni tal-imħallfin fil-proċess tal-għażla tal-Ewwel President bl-introduzzjoni tal-kariga tal-Ewwel President ad interim tal-Qorti Suprema (minn hawn 'il quddiem l-“Ewwel President ad interim”) maħtur mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u bit-tnaqqis tal-kworum fit-tielet rawnd għal 32 minn 125 imħallef biss, biex b'hekk effettivament jiġi abbandunat il-mudell ta' kondiviżjoni tas-setgħat bejn il-President tar-Repubblika tal-Polonja u l-komunità ġudizzjarja minqux fl-Artikolu 183(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka (51);

17.

Jinnota bi tħassib l-irregolaritajiet madwar in-nomina tal-Ewwel President ad interim u l-azzjonijiet ulterjuri tiegħu; jinsab imħasseb ħafna li l-proċess tal-elezzjoni tal-kandidati għall-kariga tal-Ewwel President ma kienx konformi mal-Artikolu 183 tal-Kostituzzjoni Pollakka jew ir-regoli ta' proċedura tal-Qorti Suprema u kiser l-istandards bażiċi ta' deliberazzjonijiet fost il-membri tal-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema (minn hawn 'il quddiem l-“Assemblea Ġenerali”); jinnota b'dispjaċir li d-dubji rigward il-validità tal-proċess elettorali fl-Assemblea Ġenerali kif ukoll rigward l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Ewwel Presidenti ad interim matul il-proċess elettorali jistgħu jkomplu jdgħajfu s-separazzjoni tas-setgħat u l-leġittimità tal-Ewwel President il-ġdid innominat mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fil-25 ta' Mejju 2020, u dan jista' jixħet dubju fuq l-indipendenza tal-Qorti Suprema; ifakkar li ksur simili tal-liġi mill-President tar-Repubblika tal-Polonja seħħ meta ġie nnominat il-President tat-Tribunal Kostituzzjonali;

18.

Jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib dwar il-fatt li s-setgħa tal-President tar-Repubblika tal-Polonja (u f'xi każijiet il-Ministru tal-Ġustizzja) li jkollu influwenza fuq proċedimenti dixxiplinari kontra mħallfin tal-Qorti Suprema billi jaħtar uffiċjal tad-dixxiplina li jinvestiga l-każ, filwaqt li jiġi eskluż l-uffiċjal tad-dixxiplina tal-Qorti Suprema mill-proċediment li jkunu għaddejjin, iqajjam tħassib fir-rigward tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u jista' jaffettwa l-indipendenza ġudizzjarja (52);

19.

Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-24 ta' Ġunju 2019 (53), sabet li t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin li jippresjedu fil-Qorti Suprema jmur kontra d-dritt tal-Unjoni u jikser il-prinċipju li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew u konsegwentement dak tal-indipendenza ġudizzjarja, wara li aktar kmieni kienet laqgħet it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri interim dwar il-kwistjoni b'ordni tas-17 ta' Diċembru 2018 (54); jinnota li l-awtoritajiet Pollakki adottaw l-Att tal-21 ta' Novembru 2018 li jemenda l-Att dwar il-Qorti Suprema (55) sabiex jikkonformaw mal-ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan kien l-uniku każ s'issa fejn ħassru bidliet għall-qafas leġiżlattiv li jirregola s-sistema ġudizzjarja b'segwitu għal deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tas-Sezzjoni Dixxiplinari u s-Sezzjoni Straordinarja tal-Qorti Suprema

20.

Ifakkar li, fl-2018, inħolqu żewġ sezzjonijiet ġodda fi ħdan il-Qorti Suprema, jiġifieri s-Sezzjoni Dixxiplinari u s-Sezzjoni Straordinarja, li għalihom ġew maħtura mħallfin ġodda magħżulin mill-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura u li ġew fdati b'setgħat speċjali – inklużi s-setgħa tas-Sezzjoni Straordinarja li tannulla s-sentenzi finali meħuda mill-qrati inferjuri jew mill-Qorti Suprema nnifisha permezz ta' stħarriġ straordinarju, u s-setgħa tas-Sezzjoni Dixxiplinari li tiddixxiplina mħallfin oħra tal-Qorti Suprema u tal-qrati komuni, u b'hekk tinħoloq de facto“Qorti Suprema fi ħdan il-Qorti Suprema”30 (56);

21.

Ifakkar li, fid-deċiżjoni tagħha tad-19 ta' Novembru 2019 (57), il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tweġiba tagħha għal talba għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti Suprema (is-Sezzjoni tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali, minn hawn 'il quddiem is-“Sezzjoni tax-Xogħol”) rigward is-Sezzjoni Dixxiplinari, iddeċidiet li l-qrati nazzjonali għandhom id-dmir li jinjoraw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirriżervaw il-ġuriżdizzjoni biex tinstema' kawża fejn id-dritt tal-Unjoni jista' jiġi applikat għal korp li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' indipendenza u imparzjalità;

22.

Jinnota li l-Qorti Suprema tar-rinviju (is-Sezzjoni tax-Xogħol) sussegwentement ikkonkludiet fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Diċembru 2019 (58) li s-Sezzjoni Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' tribunal indipendenti u imparzjali skont id-dritt Pollakk u dak tal-Unjoni, u li l-Qorti Suprema (is-Sezzjonijiet Ċivili, Kriminali u tax-Xogħol) adottat riżoluzzjoni fit-23 ta' Jannar 2020 (59) fejn tenniet li s-Sezzjoni Dixxiplinari mhijiex qorti minħabba n-nuqqas ta' indipendenza tagħha u għalhekk is-sentenzi tagħha ma jistgħux jitqiesu sentenzi mogħtija minn qorti maħtura kif dovut; jinnota bi tħassib serju li l-awtoritajiet Pollakki ddikjaraw li dawk id-deċiżjonijiet ma għandhom l-ebda sinifikat legali fir-rigward tat-tkomplija tal-funzjonament tas-Sezzjoni Dixxiplinari u tal-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura, u li t-Tribunal Kostituzzjonali ddikjara r-riżoluzzjoni tal-Qorti Suprema tal-20 ta' April 2020 (60) antikostituzzjonali, u b'hekk inħolqot duwalità ġudizzjarja perikoluża fil-Polonja fi ksur ċar tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u b'mod partikolari tal-Artikolu 19(1) tat-TUE billi dan jillimita l-effettività u l-applikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Novembru 2019 (61) mill-qrati Pollakki (62);

23.

Jieħu nota tal-ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2020 (63) li tagħti istruzzjoni lill-Polonja biex tissospendi immedjatament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-setgħat tas-Sezzjoni Dixxiplinari u jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw l-ordni bil-ħeffa; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jikkonformaw bis-sħiħ mal-ordni u jistieden lill-Kummissjoni tressaq talba addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja u tirrikjedi li jiġi impost il-ħlas ta' multa fil-każ ta' nonkonformità persistenti; jistieden lill-Kummissjoni tibda b'mod urġenti proċedimenti ta' ksur b'relazzjoni mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-setgħat tas-Sezzjoni Straordinarja, peress li l-kompożizzjoni tagħha tbati mill-istess difetti bħas-Sezzjoni Dixxiplinari;

Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura

24.

Ifakkar li huwa f'idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu kunsill għall-ġudikatura, iżda li, meta jiġi stabbilit tali kunsill, l-indipendenza tiegħu trid tiġi ggarantita f'konformità mal-istandards Ewropej u l-kostituzzjoni tal-Istat Membru; ifakkar li, wara r-riforma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, li huwa l-korp responsabbli għas-salvagwardja tal-indipendenza tal-qrati u l-imħallfin f'konformità mal-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, permezz tal-Att tat-8 ta' Diċembru 2017 li jemenda l-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u ċerti atti oħra (64), il-komunità ġudizzjarja fil-Polonja tneħħitilha is-setgħa li tiddelega rappreżentanti għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, u b'hekk tilfet l-influwenza tagħha fuq ir-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-imħallfin; ifakkar li qabel ir-riforma, 15 minn 25 membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura kienu mħallfin eletti mill-pari tagħhom, filwaqt li minn mindu saret ir-riforma tal-2017, dawk l-imħallfin jiġu eletti mill-Parlament Pollakk; jiddispjaċih ħafna li, flimkien mat-terminazzjoni prematura fil-bidu tal-2018 tal-mandati tal-membri kollha maħtura skont ir-regoli l-antiki, din il-miżura wasslet għal politiċizzazzjoni estensiva tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (65);

25.

Ifakkar li l-Qorti Suprema, fl-implimentazzjoni tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Novembru 2019, iddikjarat fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Diċembru 2019 u fid-deċiżjonijiet tagħha tal-15 ta' Jannar 2020 (66), kif ukoll fir-riżoluzzjoni tagħha tat-23 ta' Jannar 2020, li r-rwol deċiżiv tal-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura, fl-għażla tal-imħallfin tas-Sezzjoni Dixxiplinari li kienet għadha kif inħolqot, jimmina l-indipendenza u l-imparzjalità ta' din tal-aħħar (67); jinsab imħasseb dwar l-istatus legali tal-imħallfin maħtura jew promossi mill-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura fil-kompożizzjoni attwali tiegħu u dwar l-impatt li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-aġġudikazzjoni jista' jkollha fuq il-validità u l-legalità tal-proċedimenti;

26.

Ifakkar li n-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura ssospenda l-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura fis-17 ta' Settembru 2018 minħabba li ma baqax jissodisfa r-rekwiżiti ta' indipendenza mis-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi u nieda l-proċedura ta' espulsjoni f'April 2020 (68);

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċedimenti ta' ksur rigward l-Att tat-12 ta' Mejju 2011 dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (69), kif emendat fit-8 ta' Diċembru 2017, u biex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-attivitajiet tal-Kunsill Nazzjonali l-ġdid tal-Ġudikatura permezz ta' miżuri interim;

Ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-qrati komuni u l-ħatra tal-presidenti tal-qrati u r-reġim tal-irtirar għall-imħallfin tal-qrati komuni

28.

Jiddispjaċih li l-Ministru tal-Ġustizzja, li, fis-sistema Pollakka, huwa wkoll il-Prosekutur Ġenerali, kiseb is-setgħa li jaħtar u jkeċċi l-presidenti tal-qrati inferjuri fid-diskrezzjoni tiegħu matul perjodu tranżitorju ta' 6 xhur, u li fil-perjodu 2017-2018, il-Ministru tal-Ġustizzja ssostitwixxa aktar minn 150 president u viċi president tal-qrati; jinnota li, wara dan il-perjodu, it-tneħħija tal-presidenti tal-qrati baqgħet f'idejn il-Ministru tal-Ġustizzja, u prattikament mingħajr ebda kontroll effettiv marbut ma' dik is-setgħa; jinnota, barra minn hekk, li l-Ministru tal-Ġustizzja kiseb ukoll setgħat “dixxiplinari” oħra vis-à-vis il-presidenti tal-qrati, u l-presidenti tal-qrati superjuri, li min-naħa tagħhom, issa għandhom setgħat amministrattivi kbar vis-à-vis il-presidenti tal-qrati inferjuri (70); jiddispjaċih dwar din id-disfatta kbira għall-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja (71);

29.

Jiddispjaċih li l-Att tal-20 ta' Diċembru 2019 li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Frar 2020 biddel il-kompożizzjoni tal-assembleji tal-imħallfin u mexxa wħud mis-setgħat ta' dawk il-korpi ġudizzjarji awtonomi għall-kulleġġi tal-presidenti tal-qrati maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja (72);

30.

Ifakkar li fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Novembru 2019 (73), il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-dispożizzjonijiet tal-Att tat-12 ta' Lulju 2017 li jemenda l-Att dwar l-organizzazzjoni tal-qrati komuni u ċerti atti oħra (74), li baxxew l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati komuni, filwaqt li ppermettew lill-Ministru tal-Ġustizzja jiddeċiedi dwar l-estensjoni tas-servizz attiv tagħhom, u li stabbilixxew età tal-irtirar differenti skont il-ġeneru tagħhom, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni;

Id-drittijiet u l-indipendenza tal-imħallfin, inkluż ir-reġim dixxiplinari l-ġdid għall-imħallfin

31.

Jiddenunċja d-dispożizzjonijiet il-ġodda li jintroduċu sanzjonijiet u reati dixxiplinari ulterjuri fir-rigward tal-imħallfin u l-presidenti tal-qrati minħabba li joħolqu riskju serju għall-indipendenza ġudizzjarja (75); jiddenunċja l-fatt li d-dispożizzjonijiet il-ġodda jipprojbixxu kwalunkwe attività politika tal-imħallfin, jobbligaw lill-imħallfin jiżvelaw pubblikament is-sħubija tagħhom f'assoċjazzjonijiet u jirrestrinġu b'mod sostanzjali d-deliberazzjonijiet tal-korpi ġudizzjarji awtonomi, peress li dan imur lil hinn mill-prinċipji ta' ċertezza legali, neċessità u proporzjonalità fir-restrizzjoni tal-libertà ta' espressjoni tal-imħallfin (76);

32.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-proċedimenti ġudizzjarji mnedija kontra mħallfin u prosekuturi fil-Polonja b'rabta mad-deċiżjonijiet dixxiplinari tagħhom li japplikaw id-dritt tal-Unjoni jew ma' dikjarazzjonijiet pubbliċi fid-difiża tal-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt fil-Polonja; b'mod partikolari, jikkundanna t-theddida ta' proċedimenti dixxiplinarji (77) kontra aktar minn 10 % tal-imħallfin talli ffirmaw ittra indirizzata lill-OSKE dwar it-tmexxija xierqa tal-elezzjonijiet presidenzjali u talli appoġġjaw lill-imħallfin ripressi; jikkundanna l-kampanja ta' malafama fil-konfront ta' mħallfin Pollakki u l-involviment ta' uffiċjali pubbliċi fiha; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jżommu lura mill-użu abbużiv tal-proċedimenti dixxiplinari u milli jwettqu attivitajiet oħra li jdgħajfu l-awtorità tal-ġudikatura;

33.

Jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jneħħu d-dispożizzjonijiet il-ġodda (dwar ir-reati dixxiplinari u oħrajn) li jipprevjenu lill-qrati milli jeżaminaw kwistjonijiet ta' indipendenza u imparzjalità ta' mħallfin oħra mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), u li b'hekk iċaħħdu lill-imħallfin milli jeżerċitaw id-dmir tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni li jwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (78);

34.

Jilqa' t-tnedija tal-proċedimenti ta' ksur mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda msemmija hawn fuq; jiddispjaċih li mid-29 ta' April 2020 ma sar l-ebda progress; jistieden lill-Kummissjoni tittratta l-każ bħala kwistjoni ta' prijorità u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-proċedura mħaffa u tikkonċedi miżuri interim, f'dak li għandu x'jaqsam mar-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja;

L-istatus tal-Prosekutur Ġenerali u l-organizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku

35.

Jiddenunċja l-fużjoni tal-uffiċċju tal-Ministru tal-Ġustizzja u dak tal-Prosekutur Ġenerali, is-setgħat miżjuda tal-Prosekutur Ġenerali vis-à-vis is-sistema ta' prosekuzzjoni, is-setgħat miżjuda tal-Ministru tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ġudikatura (l-Att tas-27 ta' Lulju 2001 dwar l-organizzazzjoni tal-qrati komuni (79), kif emendat) u l-pożizzjoni dgħajfa ta' kontrolli fuq dawn is-setgħat (il-Kunsill Nazzjonali tal-Prosekuturi Pubbliċi), peress li dan kollu jirriżulta fl-akkumulazzjoni ta' eċċess ta' setgħat għal persuna waħda u għandu konsegwenzi negattivi diretti għall-indipendenza tas-sistema tal-prosekuzzjoni mill-isfera politika, kif iddikjarat mill-Kummissjoni ta' Venezja (80);

36.

Ifakkar li fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Novembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li t-tnaqqis fl-età tal-irtirar tal-prosekuturi pubbliċi kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni minħabba li jistabbilixxi età tal-irtirar differenti għall-prosekuturi pubbliċi rġiel u dawk nisa fil-Polonja;

Valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja

37.

Jaqbel mal-Kummissjoni, mal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u mal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni u mar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati li l-bidliet separati msemmija hawn fuq għall-qafas leġiżlattiv li jirregola s-sistema ġudizzjarja, fid-dawl tal-interazzjoni u l-impatt ġenerali tagħhom, jammontaw għal ksur serju, sostnut u sistemiku tal-istat tad-dritt, minħabba li jippermettu li s-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi jinterferixxu fl-istruttura u l-eżiti kollha tas-sistema ġudizzjarja b'mod li huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta' separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt, u b'hekk idgħajfu b'mod sinifikanti l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja (81); jikkundanna l-impatt destabbilizzanti fuq l-ordinament ġuridiku Pollakk tal-miżuri meħuda u tal-ħatriet magħmula mill-awtoritajiet Pollakki mill-2016;

Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-Polonja

Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem

38.

Jinsab imħasseb dwar l-attakki politiċi fuq l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem (82); jenfasizza l-fatt li l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem ikkritika b'mod pubbliku, fi ħdan il-qasam ta' responsabbiltà tiegħu, diversi miżuri meħuda mill-gvern attwali; ifakkar fil-fatt li l-istatut tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa minqux fil-Kostituzzjoni Pollakka u li l-mandat tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem attwali għandu jintemm f'Settembru 2020; ifakkar li, skont il-Kostituzzjoni Pollakka, il-Kummissarju għandu jiġi elett mis-Sejm bil-kunsens tas-Senat;

Id-dritt għal proċess ġust

39.

Jinsab imħasseb dwar rapporti li jallegaw dewmien bla bżonn fil-proċedimenti tal-qrati, diffikultajiet fl-aċċess għall-assistenza legali waqt l-arrest, u każijiet ta' rispett insuffiċjenti tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn l-avukati u l-klijenti (83); jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni rigward l-avukati fil-Polonja; ifakkar fid-dritt taċ-ċittadini kollha li jieħdu parir, ikollhom difiża u jkunu rrappreżentati minn avukat indipendenti skont l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta;

40.

Jinsab imħasseb li, mid-dħul fis-seħħ – fl-14 ta' Frar 2020 – tal-Att tal-20 ta' Diċembru 2019, is-Sezzjoni Straordinarja biss – li jeżistu dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha stess – tista' tiddeċiedi jekk imħallef, tribunal jew qorti humiex indipendenti u imparzjali, u dan iċċaħħad liċ-ċittadini minn element importanti ta' stħarriġ ġudizzjarju fl-istanzi l-oħra kollha (84); ifakkar fil-fatt li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal proċess ġust jobbliga lil kull qorti tivverifika, fuq l-inizjattiva tagħha stess, jekk tissodisfax il-kriterji ta' indipendenza u imparzjalità (85);

Id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja

41.

Itenni li l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu tal-midja huma inseparabbli mid-demokrazija u mill-istat tad-dritt u li d-dritt li wieħed jinforma u d-dritt li jkun infurmat jifformaw parti mill-valuri demokratiċi bażiċi li fuqhom hija bbażata l-Unjoni; ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020, il-Parlament talab lill-Kunsill sabiex fis-seduti ta' smigħ skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE jindirizza kwalunkwe żvilupp ġdid fil-qasam tal-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-midja;

42.

Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament esprima t-tħassib tiegħu dwar il-bidliet li kienu diġà ġew adottati u li kienu għadhom kif ġew issuġġeriti fil-liġi Pollakka dwar il-midja; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-Dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-Artikolu 11 tal-Karta u l-liġi tal-UE dwar il-midja pubblika;

43.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-azzjonijiet imwettqa f'dawn l-aħħar snin mill-awtoritajiet Pollakki b'relazzjoni max-xandar pubbliku, inkluża r-ristrutturazzjoni tax-xandar pubbliku f'xandar favur il-gvern, fejn ipprevjena lill-midja pubblika u lill-korpi governattivi tagħha milli jesprimu vuċijiet indipendenti jew diverġenti u billi eżerċita kontroll fuq il-kontenut tax-xandir (86); ifakkar fil-fatt li l-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni u jipprojbixxi ċ-ċensura;

44.

Huwa mħasseb ħafna dwar l-użu eċċessiv ta' kawżi ta' malafama minn numru ta' politiċi kontra ġurnalisti, inkluż billi jimponu multi kriminali u jissospendu ġurnalisti milli jeżerċitaw il-professjoni tagħhom; jibża' li jkun hemm effett dissważiv fuq il-professjoni u l-indipendenza tal-ġurnalisti u tal-midja (87); jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jiggarantixxu aċċess għal rimedji legali xierqa għall-ġurnalisti u l-familji tagħhom li jkunu s-suġġett ta' kawżi maħsuba biex joħonqu jew jintimidaw il-midja indipendenti; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tas-settur tal-midja (88); jiddispjaċih li s'issa l-Kummissjoni għadha ma ressqitx leġiżlazzjoni kontra SLAPP (kawża strateġika kontra l-parteċipazzjoni pubblika) li tipproteġi wkoll lill-ġurnalisti Pollakki u l-midja minn kawżi vessatorji;

45.

Jinsab imħasseb dwar il-każijiet irrappurtati ta' detenzjoni ta' ġurnalisti talli għamlu xogħolhom meta rrappurtaw dwar protesti kontra l-lockdown tul il-pandemija tal-COVID-19 (89);

Il-libertà akkademika

46.

Jesprimi tħassib dwar l-użu u t-theddida ta' litigazzjoni rigward malafama kontra l-akkademiċi; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jirrispettaw il-libertà tal-kelma u l-libertà akkademika, f'konformità mal-istandards internazzjonali (90);

47.

Jistieden lill-Parlament Pollakk iħassar il-Kapitolu 6c tal-Att tat-18 ta' Diċembru 1998 dwar l-Istitut ta' Kommemorazzjoni Nazzjonali għall-Prosekuzzjoni tar-Reati kontra n-Nazzjon Pollakk (91), li jipperikola l-libertà tal-kelma u r-riċerka indipendenti billi jistabbilixxi bħala reat ċivili bi tressiq quddiem il-qrati ċivili kwalunkwe azzjoni ta' dannu għar-reputazzjoni tal-Polonja u tal-poplu tagħha, pereżempju fil-każ ta' akkuża ta' kompliċità tal-Polonja jew tal-Pollakki fl-Olokawstu; (92)

Il-libertà ta' assemblea

48.

Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Pollakk biex jirrispetta d-dritt għal-libertà ta' assemblea billi jneħħi mill-Att attwali tal-24 ta' Lulju 2015 dwar l-assembleji pubbliċi (93), kif emendat fit-13 ta' Diċembru 2016 (94), id-dispożizzjonijiet li jagħtu prijorità lill-assembleji “ċikliċi” approvati mill-Gvern (95); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki joqogħdu lura milli japplikaw sanzjonijiet kriminali kontra persuni li jipparteċipaw f'assembleji jew kontrodimostrazzjonijiet paċifiċi u biex iwaqqgħu l-akkużi kriminali kontra d-dimostranti paċifiċi; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pollakki jipproteġu b'mod adegwat l-assembleji paċifiċi u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li jattakkaw vjolentement lill-persuni li jipparteċipaw f'assembleji paċifiċi;

49.

Jinsab imħasseb dwar il-projbizzjoni restrittiva ħafna fuq l-assembleji pubbliċi (96) li kienet fis-seħħ matul il-pandemija tal-COVID-19 mingħajr l-introduzzjoni ta' stat ta' diżastru nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 232 tal-Kostituzzjoni Pollakka u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju tal-proporzjonalità meta jiġi ristrett id-dritt ta' assemblea;

Il-libertà ta' assoċjazzjoni

50.

Jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jimmodifikaw l-Att tal-15 ta' Settembru 2017 dwar l-Istitut Nazzjonali għal-Libertà – Ċentru għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili (97)(98) sabiex jiġu żgurati aċċess għall-finanzjament mill-istat għal gruppi kritiċi tas-soċjetà ċivili, fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u distribuzzjoni ekwa, imparzjali u trasparenti tal-fondi pubbliċi lis-soċjetà ċivili, biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentanza pluralistika (99); itenni t-talba tiegħu biex ikun disponibbli finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta' strumenti ta' finanzjament differenti fil-livell tal-Unjoni, bħall-fergħa tal-valuri tal-Unjoni tal-Programm il-ġdid dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u l-proġetti pilota tal-Unjoni; jinsab imħasseb ħafna li l-Membri Pollakki tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed iħabbtu wiċċhom ma' pressjoni politika għall-azzjonijiet meħuda fl-ambitu tal-mandat tagħhom (100);

51.

Huwa mħasseb dwar l-istqarrija għall-istampa mill-Ministru għall-Ġustizzja u mil-Ministru għall-Ambjent fir-rigward ta' ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi, bil-għan li jistigmatizzawhom bħala entitajiet li jaħdmu fl-interess ta' atturi barranin; jinsab imħasseb serjament dwar il-proġett ippjanat għal abbozz ta' liġi dwar il-ħolqien ta' reġistru pubbliku dwar il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jobbligahom jiddikjaraw kwalunkwe sors ta' finanzjament barrani (101);

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-data

52.

Itenni l-konklużjoni tiegħu stabbilita fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 li s-salvagwardji proċedurali u l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fl-Att tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar l-azzjonijiet kontra t-terroriżmu u fl-Att tas-6 ta' April 1990 dwar il-pulizija (102), kif emendat, għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza sigrieta mhumiex biżżejjed għall-prevenzjoni tal-użu eċċessiv jew interferenza mhux ġustifikata fil-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi, inklużi l-mexxejja tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili (103); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni ta' dik il-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-Dritt tal-Unjoni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jirrispettaw bis-sħiħ il-privatezza taċ-ċittadini kollha;

53.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-Ministeru għall-Affarijiet Diġitali tal-Polonja ttrasferixxa data personali mis-Sistema Elettronika Universali għal Reġistrazzjoni tal-Popolazzjoni (minn hawn 'il quddiem “ir-reġistru PESEL”) lill-operatur tas-servizzi postali fit-22 ta' April 2020, sabiex jiffaċilita l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-10 ta' Mejju 2020 permezz ta' votazzjoni bil-posta, mingħajr bażi legali xierqa biex jagħmel dan, peress li l-Parlament Pollakk ma adottax abbozz ta' liġi li jippermetti li ssir elezzjoni kompletament permezz tal-posta sas-7 ta' Mejju 2020; jinnota, barra minn hekk, li r-reġistru PESEL mhuwiex identiku għar-reġistru elettorali u jinkludi wkoll id-data personali ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra, u li, għalhekk, it-trasferiment imsemmi hawn fuq jista' jikkostitwixxi ksur potenzjali tar-Regolament (UE) 2016/679; ifakkar li l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) iddikjara li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar individwi inklużi fil-listi elettorali, iżda biss meta dan ikun awtorizzat speċifikament mil-liġi nazzjonali (104); jinnota li l-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem ressaq ilment quddiem il-Qorti Amministrattiva Reġjonali f'Varsavja abbażi ta' ksur possibbli tal-Artikoli 7 u 51 tal-Kostituzzjoni Pollakka mill-Ministeru għall-Affarijiet Diġitali tal-Polonja;

L-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità

54.

Itenni t-tħassib serju tiegħu, espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019, kondiviż ukoll mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (105), dwar l-abbozz ta' liġi li jemenda l-Artikolu 200b tal-Kodiċi Penali Pollakk, kif tressaq quddiem il-Parlament Pollakk fl-ambitu tal-inizjattiva “Stop pedofilii”, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet estremament vagi, wiesgħa u sproporzjonati tiegħu, li de facto jippruvaw jikkriminalizzaw it-tixrid tal-edukazzjoni sesswali lill-minorenni u li l-ambitu tiegħu potenzjalment jhedded lill-persuni kollha, b'mod partikolari l-ġenituri, l-għalliema u l-edukaturi tas-sess, b'massimu ta' tliet snin ħabs għat-tagħlim dwar is-sesswalità tal-bniedem, is-saħħa u r-relazzjonijiet intimi;

55.

Jenfasizza li edukazzjoni sesswali komprensiva u dwar ir-relazzjonijiet adegwata għall-età u bbażata fuq l-evidenza hija essenzjali għall-bini tal-ħiliet taż-żgħażagħ biex ikollhom relazzjonijiet b'saħħithom, ugwali, sikuri u li fihom il-partijiet jieħdu ħsieb xulxin, u li kif ukoll ikunu ħielsa minn kull diskriminazzjoni, koerċizzjoni u vjolenza; jemmen li l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità għandha wkoll impatt pożittiv fuq l-eżiti tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż billi tittrasforma n-normi dannużi tas-sessi u l-attitudnijiet lejn il-vjolenza sessista, tgħin biex jiġu prevenuti l-vjolenza bejn sħab intimi u l-koerċizzjoni sesswali, l-omofobija u t-transfobija, tikser is-silenzju li jeżisti dwar il-vjolenza sesswali, l-isfruttament sesswali jew l-abbuż, u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex ifittxu l-għajnuna; jistieden lill-Parlament Pollakk iżomm lura milli jadotta l-proposta għal abbozz ta' liġi li jemenda l-Artikolu 200b tal-Kodiċi Penali Pollakk u jistieden bil-ħeġġa lill-awtoritajiet Pollakki jiżguraw aċċess għal edukazzjoni sesswali xjentifikament preċiża u komprensiva għat-tfal kollha tal-iskola f'konformità mal-istandards internazzjonali, u li dawk li jipprovdu tali edukazzjoni u informazzjoni jingħataw sostenn biex jagħmlu dan b'mod fattwali u oġġettiv;

Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet assoċjati

56.

Ifakkar li, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà minn trattament inuman u degradanti, id-dritt għal aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, hekk kif inhu rifless ukoll fil-Kostituzzjoni Pollakka; Ifakkar li l-Parlament diġà kkritika bil-qawwa, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 kwalunkwe proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi l-abort f'każijiet ta' insuffiċjenzi severi u fatali tal-fetu, li b'hekk tillimita drastikament u tersaq viċin tal-projbizzjoni fil-prattika fuq l-aċċess għall-abort fil-Polonja billi bosta aborti legali jitwettqu f'dak l-ambitu (106), u enfasizza li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa, inklużi l-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet assoċjati, huwa dritt fundamentali tal-bniedem (107); jiddispjaċih dwar l-emendi proposti (108) għall-Att tal-5 ta' Diċembru 1996 dwar il-professjonijiet tat-tobba u tad-dentisti (109), li fl-ambitu tagħhom it-tobba ma jkunux aktar obbligati legalment li jindikaw faċilità jew prattikant alternattiv f'każ ta' ċaħda ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva minħabba twemmin personali; jinsab imħasseb dwar l-użu tal-klawsola tal-kuxjenza, inkluż in-nuqqas ta' mekkaniżmi affidabbli ta' riferiment u n-nuqqas ta' rikors f'waqtu għan-nisa li jiġu rrifjutati tali servizzi; jistieden lill-Parlament Pollakk iżommu lura minn kwalunkwe tentattiv ieħor biex jirrestrinġi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa; jafferma bil-qawwa li ċ-ċaħda tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u tad-drittijiet relatati hija forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jieħdu miżuri biex jimplimentaw bis-sħiħ is-sentenzi mogħtija tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'każijiet kontra l-Polonja, li ddeċidiet diversi drabi li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa (110);

57.

Ifakkar li t-tentattivi preċedenti biex jiġi limitat aktar id-dritt għall-abort, li fil-Polonja diġà huwa fost l-aktar ristretti fl-Unjoni, twaqqfu fl-2016 u fl-2018 b'riżultat ta' oppożizzjoni massiċċa miċ-ċittadini Pollakki kif espress fil-“Protesti Suwed”; jistieden bil-ħeġġa lill-awtoritajiet Pollakki jikkunsidraw li jirrevokaw il-liġi li tillimita l-aċċess tan-nisa u tal-bniet għall-pillola kontraċettiva ta' emerġenza;

Id-diskors ta' mibegħda, id-diskriminazzjoni pubblika, il-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-imġiba intolleranti fil-konfront tal-minoranzi u gruppi vulnerabbli oħra, inklużi l-persuni LGBTI

58.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu miġġielda b'mod sod id-diskors ta' mibegħda razzjali u l-inċitament għall-vjolenza, online u offline, u jikkundannaw pubblikament u jiddistanzjaw ruħhom mid-diskors ta' mibegħda razzista minn persuni pubbliċi, inklużi politiċi u uffiċjali tal-midja (111), jindirizzaw preġudizzji u sentimenti negattivi fil-konfront ta' minoranzi nazzjonali u etniċi (inklużi r-Rom), migranti, rifuġjati u persuni li jfittxu asil u biex jiżguraw infurzar effettiv tal-liġijiet li jiddikjaraw bħala illegali l-partiti jew l-organizzazzjonijiet li jippromwovu jew jinċitaw id-diskriminazzjoni razzjali (112); jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-2019 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali (113);

59.

Jinsab imħasseb ħafna bid-deċiżjoni reċenti (114) meħuda mill-Ministru tal-Ġustizzja Pollakkbiex jitnieda l-ħruġ uffiċjali tal-Polonja mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki japplikaw b'mod prattiku u effettiv dik il-Konvenzjoni, inkluż billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-pajjiż kollu, kif ukoll billi jipprovdu għadd suffiċjenti ta' postijiet ta' kenn ta' kwalità għan-nisa vittmi ta' vjolenza u t-tfal tagħhom; jibża' li dan il-pass jista' jkun daqqa ta' ħarta serja fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa;

60.

Jinnota li l-Istħarriġ II ta' Mejju 2020 dwar l-LGBTI mmexxi mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali jenfasizza żieda fl-intolleranza u l-vjolenza fil-Polonja kontra l-persuni LGBTI jew persuni meqjusa bħala LGBTI u xettiċiżmu totali lejn il-ġlieda tal-Gvern kontra l-preġudizzju u l-intolleranza mir-rispondenti LGBTI Pollakk, li rreġistraw il-perċentwali l-aktar baxxa mal-Unjoni kollha (4 % biss), u l-ogħla perċentwali ta' rispondenti li qalu li jevitaw li jmorru ċerti postijiet għax jibżgħu li jiġu attakkati, li jingħataw fastidju jew li jiġu mhedda (79 %);

61.

Ifakkar, anke fil-kuntest tal-kampanja presidenzjali tal-2020, fil-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019, meta ddenunċja bil-qawwa kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi d-diskors ta' mibegħda minn awtoritajiet pubbliċi u minn uffiċjali eletti, il-projbizzjoni tad-dimostrazzjonjiet Pride u l-protezzjoni inadegwata kontra attakki fuqhom u programmi ta' sensibilizzazzjoni, id-dikjarazzjonijiet ta' żoni fil-Polonja ħielsa mill-hekk imsejħa “ideoloġija LGBT”, u l-adozzjoni ta' “Karti Reġjonali tad-Drittijiet tal-Familja”, li jiddiskriminaw b'mod partikolari kontra familji b'ġenitur wieħed u familji LGBTI; jinnota n-nuqqas ta' kwalunkwe titjib fis-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Polonja mill-adozzjoni ta' dik ir-riżoluzzjoni u li s-saħħa mentali u s-sikurezza fiżika tal-persuni LGBTI Pollakki huma partikolarment fir-riskju; ifakkar fil-kundanna ta' tali azzjonijiet mill-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ressaq disa' lmenti quddiem il-qrati amministrattivi fejn argumenta li ż-żoni ħielsa mil-LGBTI jiksru d-dritt tal-Unjoni, u mill-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali; ifakkar li l-infiq taħt il-fondi ta' koeżjoni m'għandux jiddiskrimina abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u li l-muniċipalitajiet li jaġixxu bħala impjegaturi jeħtiġilhom jirrispettaw id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (115), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni u l-fastidju minħabba l-orjentazzjoni sesswali fl-impjiegi (116); fid-dawl ta' dan, jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-Ministru tal-Ġustizzja ta appoġġ finanzjarju lil muniċipalitajiet li kienu esklużi mill-programm ta' ġemellaġġ Ewropew minħabba li adottaw dikjarazzjonijiet ta' “żoni ħielsa mil-LGBTI”; barra minn hekk, jinsab imħasseb ħafna li dan l-appoġġ finanzjarju se jingħata mill-Fond għall-Ġustizzja tal-Ministeru, li nħoloq biex jappoġġa lill-vittmi tal-kriminalità; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirrifjuta l-applikazzjonijiet għal finanzjament tal-Unjoni minn awtoritajiet li adottaw riżoluzzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u f'dak il-kuntest biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' konjuġi u ġenituri tal-istess sess bil-għan li tiġi żgurata t-tgawdija tagħhom tad-dritt ta' nondiskriminazzjoni fil-liġi u fil-fatt (117); jikkundanna l-kawżi kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili li ppubblikaw l-hekk imsejjaħ “Atlas tal-Mibegħda” li jiddokumenta każijiet ta' omofobija fil-Polonja; jistieden bil-ħeġġa lill-Gvern Pollakk jiżgura l-protezzjoni legali tal-persuni LGBTI kontra kull forma ta' reat ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda;

62.

Jiddeplora bil-qawwa l-arrest tal-massa ta' 48 attivist LGBTI fit-7 ta' Awwissu 2020, magħruf bħala “Stonewall Pollakk”, li jibgħat sinjal inkwetanti rigward il-libertà tal-kelma u tal-għaqda fil-Polonja; jiddeplora l-mod li bih ġew ittrattati d-detenuti, kif irrappurtat mill-Mekkaniżmu Nazzjonali ta' Prevenzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tortura (118); jitlob kundanna immedjata mill-istituzzjonijiet Ewropej kollha tal-vjolenza mill-pulizija kontra l-persuni LGBTI fil-Polonja;

63.

Jiddeplora bil-qawwa l-pożizzjoni uffiċjali (119) meħuda mill-Episkopat Pollakk fejn jitlob “terapija ta' konverżjoni” għall-persuni LGBTI; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament (120) fejn iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkriminalizzaw tali prattiki u jfakkar fir-rapport ta' Mejju 2020 tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-ħarsien mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, li jistieden lill-Istati Membri jadottaw projbizzjonijiet fuq il-prattiki ta' “terapija ta' konverżjoni (121)”;

64.

Jinnota li n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja diġà beda jaffettwa l-fiduċja reċiproka bejn il-Polonja u Stati Membri oħra, speċjalment fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, minħabba li l-qrati nazzjonali rrifjutaw jew eżitaw milli jikkonsenjaw persuni Pollakki ssuspettati taħt il-proċedura tal-Mandat ta' Arrest Ewropew minħabba dubji serji dwar l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka; iqis li t-theddida għall-uniformità tal-ordni legali tal-Unjoni mid-deterjorament tal-istat tad-dritt fil-Polonja hija partikolarment serja; jirrimarka li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tista' terġa' tinkiseb biss meta jiġi żgurat ir-rispett għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

65.

Jistieden lill-Gvern Pollakk jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati, fil-Karta, fil-KEDB u fl-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jinvolvi ruħu fi djalogu onest mal-Kummissjoni; jenfasizza li tali djalogu jeħtieġ li jsir b'mod imparzjali, kooperattiv u bbażat fuq l-evidenza; jistieden lill-Gvern Pollakk jikkoopera mal-Kummissjoni skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera kif stabbilit fit-TUE; jistieden lill-Gvern Pollakk jimplimenta malajr u bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-tal-Qorti tal-Ġustizzja u jirrispetta l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-gvern Pollakk iqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja fl-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja, inkluż meta jkun qed iwettaq riformi ulterjuri tal-Qorti Suprema;

66.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżommu lura milli jinterpretaw b'mod dejjaq il-prinċipju tal-istat tad-dritt, u biex jużaw il-proċedura skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE bil-potenzjal kollu tagħha billi jindirizzaw l-implikazzjonijiet tal-azzjoni tal-Gvern Pollakk għall-prinċipji kollha minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali kif enfasizzat f'dan ir-rapport;

67.

Jistieden lill-Kunsill jissokta bis-seduti ta' smigħ formali – li l-aħħar waħda minnhom saret saħansitra f'Diċembru 2018 – malajr kemm jista' jkun u biex jinkludi f'dawk is-seduti l-iżviluppi negattivi ewlenin u l-iktar reċenti kollha fl-oqsma tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kunsill biex finalment jaġixxi skont il-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE billi jikkonstata li hemm riskju ċar ta' ksur serju mir-Repubblika tal-Polonja tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, fid-dawl tal-evidenza qawwija ta' dan kif muri f'din ir-riżoluzzjoni u f'tant rapporti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u rapporti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kunsill jindirizza rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Polonja, kif previst fl-Artikolu 7(1) tat-TUE, bħala segwitu għas-seduti ta' smigħ, u jindika skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill biex jimpenja ruħu li jivvaluta l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet fi żmien xieraq; jistieden lill-Kunsill iżomm lill-Parlament infurmat regolarment u involut mill-qrib u jaħdem b'mod trasparenti, biex jippermetti parteċipazzjoni u sorveljanza sinifikanti mill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha Ewropej u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli għaliha, biex tindirizza riskju ċar ta' ksur serju min-naħa tal-Polonja tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari proċeduri ta' ksur imħaffa u applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għodod baġitarji; jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm lill-Parlament infurmat regolarment u involut mill-qrib;

o

o o

69.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Polonja, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1)  ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 408.

(2)  COM(2003)0606.

(3)  COM(2014)0158.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0123.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0344.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0442.

(7)  ĠU L 217, 12.8.2016, p. 53.

(8)  ĠU L 22, 27.1.2017, p. 65.

(9)  ĠU L 228, 2.9.2017, p. 19.

(10)  ĠU L 17, 23.1.2018, p. 50.

(11)  Testi adottati, P8_TA(2018)0055.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2019)0058.

(13)  Testi adottati, P9_TA(2019)0101.

(14)  Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

(15)  Testi adottati, P8_TA(2018)0204.

(16)  Testi adottati, P9_TA(2020)0014.

(17)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(18)  Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(19)  Testi adottati, P8_TA(2019)0111.

(20)  Testi adottati, P9_TA(2019)0080.

(21)  Testi adottati, P8_TA(2019)0349.

(22)  Testi adottati, P8_TA(2019)0407.

(23)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Ġunju 2019, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-619/18, ECLI:EU:C:2019:531; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2019, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-192/18, ECLI:EU:C:2019:924.

(24)  COM(2017)0835.

(25)  Ustawa z dnia 22 grudnia 2015 r. o zmianie ustawy o Trybunale Konstytucyjnym (Dz.U. 2015 poz. 2217).

(26)  Ustawa z dnia 22 lipca 2016 r. o Trybunale Konstytucyjnym (Dz.U. 2016 poz. 1157).

(27)  Is-Sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016, K 47/15.

(28)  Is-Sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-11 ta' Awwissu 2016, K 39/16.

(29)  is-Sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tas-7 ta' Novembru 2016, K 44/16.

(30)  Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-14 ta' Ottubru 2016 dwar il-Liġi tat-22 ta' Lulju 2016 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, Opinjoni nru 860/2016, paragrafu 127; Proposta Motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017, paragrafu 91 u paragrafi ta' wara.

(31)  Ustawa z dnia 30 grudnia 2015 r. o zmianie ustawy o służbie cywilnej oraz niektórych innych ustaw (Dz.U. 2016 poz. 34).

(32)  Ustawa z dnia 15 stycznia 2016 r. o zmianie ustawy o Policji oraz niektórych innych ustaw (Dz.U. 2016 poz. 147).

(33)  Ustawa z dnia 28 stycznia 2016 r. Prawo o prokuraturze (Dz.U. 2016 poz. 177).

(34)  Ustawa z dnia 28 stycznia 2016 r. Przepisy wprowadzające ustawę – Prawo o prokuraturze (Dz.U. 2016 poz. 178).

(35)  Ustawa z dnia 18 marca 2016 r. o zmianie ustawy o Rzeczniku Praw Obywatelskich oraz niektórych innych ustaw (Dz.U. 2016 poz. 677).

(36)  Ustawa z dnia 22 czerwca 2016 r. o Radzie Mediów Narodowych (Dz.U. 2016 poz. 929).

(37)  Ustawa z dnia 10 czerwca 2016 r. o działaniach antyterrorystycznych (Dz.U. 2016 poz. 904).

(38)  Ara l-Proposta Motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017, paragrafi 112–113.

(39)  ENCJ, Dikjarazzjoni ta' Varsavja tat-3 ta' Ġunju 2016.

(40)  OSKE/ODIHR, Dikjarazzjoni tas-Sejbiet Preliminari u l-Konklużjonijiet b'segwitu għall-Missjoni Limitata ta' Osservazzjoni Elettorali, 14 ta' Ottubru 2019.

(41)  OSKE/ODIHR, Rapport Finali tal-Missjoni Limitata ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet parlamentari tat-13 ta' Ottubru 2019, Varsavja, 14 ta' Frar 2020.

(42)  OSKE/ODIHR, Missjoni ta' Valutazzjoni Elettorali Speċjali, Dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari dwar it-tieni rawnd ta' elezzjonijiet presidenzjali tat-12 ta' Lulju 2020, Varsavja, 13 ta' Lulju 2020.

(43)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Opinjoni tat-8-9 ta' Diċembru 2017, CDL-AD(2017)031, paragrafu 43; ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/103 tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374, (UE) 2017/146 u (UE) 2017/1520 (ĠU L 17, 23.1.2018, p. 50), paragrafu 25.

(44)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, CDL-AD (2002) 23, Opinjoni nru 190/2002, Kodiċi ta' Prassi Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali. Linji gwida u rapport spjegattiv, 30 ta' Ottubru 2002; Ara, ukoll, Kummissjoni ta' Venezja, CDL-PI(2020)005rev-e, Rapport – Respect for Democracy Human Rights and Rule of Law during States of Emergency (Ir-Rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem għad-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt matul Stat ta' Emerġenza) — Riflessjonijiet, p. 23.

(45)  Ara, ukoll, OSCE/ODIHR, Opinjoni dwar l-abbozz ta' att dwar regoli speċjali għall-elezzjoni ġenerali tal-President tar-Repubblika tal-Polonja msejħa fl-2020 (Dokument tas-Senat Nru 99), 27 ta' April 2020.

(46)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(47)  Ustawa z dnia 30 listopada 2016 r. o organizacji i trybie postępowania przed Trybunałem Konstytucyjnym (Dz.U. 2016 poz. 2072); ustawa z dnia 30 listopada 2016 r. o statusie sędziów Trybunału Konstytucyjnego (Dz.U. 2016 poz. 2073); Ustawa z dnia 13 grudnia 2016 r. – Przepisy wprowadzające ustawę o organizacji i trybie postępowania przed Trybunałem Konstytucyjnym oraz ustawę o statusie sędziów Trybunału Konstytucyjnego (Dz.U. 2016 poz. 2074).

(48)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Opinjoni tal-14-15 ta' Ottubru 2016, paragrafu 128; NU, Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Osservazzjonijiet konklużivi dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, 31 ta' Ottubru 2016, paragrafi 7–8; Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1520.

(49)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, 19 ta' Novembru 2019, A.K. et al. v. Sąd Najwyższy, C-585/18, C-624/18 u C-625/18, ECLI:EU:C:2019:982.

(50)  Ustawa z dnia 20 grudnia 2019 r. o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (Dz.U. 2020 poz. 190).

(51)  Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, CDL-PI(2020)002, paragrafi 51-55.

(52)  Ara l-Proposta Motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017, COM(2017)0835, paragrafu 133. Ara wkoll OSKE-ODIHR, Opinjoni dwar Ċerti Dispożizzjonijiet tal-Abbozz tal-Att dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja (skont is-sitwazzjoni fis-26 ta' Settembru 2017), 13 ta' Novembru 2017, p. 33.

(53)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Ġunju 2019, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-619/18, ECLI:EU:C:2019:531.

(54)  L-Ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 2018, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-619/18 R, ECLI:EU:C:2018:1021.

(55)  Ustawa z dnia 21 listopada 2018 r. o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (Dz.U. 2018 poz. 2507).

(56)  OSKE-ODIHR, Opinjoni tat-13 ta' Novembru 2017, p. 7-20; Kummissjoni ta' Venezja, Opinjoni tat-8-9 ta' Diċembru 2017, paragrafu 43; Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/103, paragrafu 25; GRECO, Addendum għar-Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Rawnd dwar il-Polonja (Artikolu 34 tar-Regoli ta' Proċedura) tat-18-22 ta' Ġunju 2018, paragrafu 31; Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafu 8.

(57)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, 19 ta' Novembru 2019, A.K. et al. v. Sąd Najwyższy, C-585/18, C-624/18 u C-625/18, ECLI:EU:C:2019:982.

(58)  Is-Sentenza tal-Qorti Suprema tal-5 ta' Diċembru 2019, III PO 7/19.

(59)  Ir-Riżoluzzjoni tas-Sezzjonijiet Ċivili, Kriminali u tax-Xogħol Konġunti tal-Qorti Suprema tat-23 ta' Jannar 2020, BSA I-4110-1/2020.

(60)  Is-Sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-20 ta' April 2020, U 2/20.

(61)  Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafu 38.

(62)  Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafu 38.

(63)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2020, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-791/19 R, ECLI:EU:C:2020:277.

(64)  Ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o zmianie ustawy o służbie cywilnej oraz niektórych innych ustaw (Dz.U. 2018 poz. 3).

(65)  Il-Kunsill Konsultattiv ta' Mħallfin Ewropej, Opinjonijiet tal-Bureau tas-7 ta' April 2017 u tat-12 ta' Ottubru 2017; OSKE-ODIHR, Opinjoni Finali dwar l-Abbozz ta' Emendi għall-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, 5 ta' Mejju 2017; il-Kummissjoni ta' Venezja, Opinjoni tat-8-9 ta' Diċembru 2017, p. 5-7; GRECO, Rapport ad hoc dwar il-Polonja (Artikolu 34 tar-Regoli ta' Proċedura) tad-19-23 ta' Marzu 2018 u Addendum tat-18-22 ta' Ġunju 2018; il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafi 42 u 61.

(66)  Id-Deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-15 ta' Jannar 2020, III PO 8/18. Il-Deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-15 ta' Jannar 2020, III PO 9/18.

(67)  Dwar dan is-suġġett, ara, ukoll, il-kawżi li ġejjin pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: Reczkowicz u tnejn Oħra v. Il-Polonja (numri tar-rikors 43447/19, 49868/19 u 57511/19), Grzęda v. Il-Polonja (numru 43572/18), Xero Flor w Polsce sp. z o.o. v. Il-Polonja (numru 4907/18), Broda v. Il-Polonja u Bojara v. Il-Polonja (numri 26691/18 u 27367/18), Żurek v. Il-Polonja (numru 39650/18) u Sobczyńska et al. v. Il-Polonja (numri 62765/14, 62769/14, 62772/14 u 11708/18).

(68)  ENCJ, Ittra tal-21 ta' Frar 2020 mill-Bord Eżekuttiv tal-ENCJ. Ara wkoll l-ittra tal-4 ta' Mejju 2020 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin li tappoġġa l-ENCJ.

(69)  Ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o Krajowej Radzie Sądownictwa (Dz.U. 2011 nr 126 poz. 714).

(70)  Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafu 45.

(71)  Ara wkoll Kunsill tal-Ewropa, Bureau tal-Kunsill Konsultattiv ta' Mħallfin Ewropej (CCJE-BU), CCJE-BU(2018)6REV, 18 ta' Ġunju 2018.

(72)  Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafi 46-50.

(73)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Novembru 2019, Il-Kummissjoni v. Il-Polonja, C-192/18, ECLI:EU:C:2019:924.

(74)  Ustawa z dnia 12 lipca 2017 r. o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (Dz.U. 2017 poz. 1452).

(75)  OSKE/ODIHR, Opinjoni Interim Urġenti dwar l-Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Komuni, l-Att dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Atti Oħra tal-Polonja (skont is-sitwazzjoni fl-20 ta' Diċembru 2019), 14 ta' Jannar 2020, p. 23-26; il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafi 44-45.

(76)  OSKE/ODIHR, Opinjoni Interim Urġenti, 14 ta' Jannar 2020, p. 18-21; il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafi 24-30;

(77)  Kominikazzjoni mill-Viċi Prosekutur Dixxiplinari tal-Imħallfin tal-Qrati Komuni, Lulju 2020, http://rzecznik.gov.pl/wp-content/uploads/2020/07/KomunikatFWS.pdf.

(78)  OSKE/ODIHR, Opinjoni Interim Urġenti, 14 ta' Jannar 2020, p. 13-17; il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafi 31-43.

(79)  Ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. Prawo o ustroju sądów powszechnych (Dz.U. 2001 nr 98 poz. 1070).

(80)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Opinjoni tat-8-9 ta' Diċembru 2017 dwar l-Att dwar r l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, kif emendat, CDL-AD(2017)028, paragrafu 115.

(81)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/103; Nazzjonijiet Uniti, Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, Dikjarazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2018; il-Kummissjoni Ewropea, Semestru Ewropew 2019: Country report Poland, 27 ta' Frar 2019, SWD(2019) 1020 final, p. 42; il-Presidenti tan-Network Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, in-Network tal-Presidenti tal-Qrati Supremi tal-UE u l-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Ewropej, ittra tal-20 ta' Settembru 2019; GRECO, Segwitu għall-Addendum għar-Rapport ta' Evalwazzjoni tar-Raba' Rawnd (Artikolu 34 tar-Regoli ta' Proċedura) – Il-Polonja, 6 ta' Diċembru 2019, paragrafu 65; PACE, Riżoluzzjoni 2316 (2020) tat-28 ta' Jannar 2020 dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Polonja, paragrafu 4.

(82)  Ara, ukoll, Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Ittra indirizzata lill-Prim Ministru tal-Polonja, 19 ta' Jannar 2018; id-Dikjarazzjoni Konġunta f'Appoġġ għall-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata minn ENNHRI, Equinet, GANHRI, IOI, OHCHR Ewropa, Ġunju 2019.

(83)  Osservazzjonijiet tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, 23 ta' Novembru 2016, paragrafu 33.

(84)  Il-Kummissjoni ta' Venezja u DGI tal-Kunsill tal-Ewropa, Opinjoni Konġunta Urġenti tas-16 ta' Jannar 2020, paragrafu 59.

(85)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Marzu 2020, Simpson v. Il-Kunsill u HG v. Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda C-542/18 RX-II u C-543/18 RX-II, ECLI:EU:C:2020:232, paragrafu 57.

(86)  Ara wkoll l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa li fil-klassifika tiegħu l-Polonja niżlet mit-18 għat-62 post mill-2015 'l hawn.

(87)  Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, Rapport Annwali 2020, Marzu 2020, p. 42.

(88)  Il-Kunsill tal-Ewropa, Rakkomandazzjoni CM/Rec (2016)4 tat-13 ta' April 2016 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-midja.

(89)  International Press Institute (IPI) Tracker on Press Freedom Violations Linked to COVID-19 Coverage, https://ipi.media/covid19-media-freedom-monitoring/.

(90)  Il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani et al., Dikjarazzjoni tal-Forum Globali dwar il-Libertà Akkademika, l-Awtonomija Istituzzjonali, u l-Ġejjieni tad-Demokrazija, 21 ta' Ġunju 2019.

(91)  Ustawa z dnia 18 grudnia 1998 r. o Instytucie Pamięci Narodowej – Komisji Ścigania Zbrodni przeciwko Narodowi Polskiemu (Dz.U. 1998 nr 155 poz. 1016).

(92)  Ara wkoll id-Dikjarazzjoni tat-28 ta' Ġunju 2018 mir-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja.

(93)  Ustawa z dnia 24 lipca 2015 r. – Prawo o zgromadzeniach (Dz.U. 2015 poz. 1485).

(94)  Ustawa z dnia 13 grudnia 2016 r. o zmianie ustawy – Prawo o zgromadzeniach (Dz.U. 2017 poz. 579).

(95)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni tat-23 ta' April 2018 mill-Esperti tan-NU li tħeġġeġ lill-Polonja tiżgura parteċipazzjoni ħielsa u sħiħa waqt it-taħditiet dwar il-klima.

(96)  Ittra lill-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Ministeru tal-Intern u l-Amministrazzjoni, 6 ta' Mejju 2020.

(97)  Ustawa z dnia 15 września 2017 r. o Narodowym Instytucie Wolności – Centrum Rozwoju Społeczeństwa Obywatelskiego (Dz.U. 2017 poz. 1909).

(98)  OSKE/ODIHR, Opinjoni dwar l-Abbozz ta' Att tal-Polonja dwar l-Istitut tal-Libertà Nazzjonali – Ċentru għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili, Varsavja, 22 ta' Awwissu 2017.

(99)  KESE, Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-Istat tad-Dritt: żviluppi nazzjonali minn perspettiva tas-soċjetà ċivili 2018-2019, Ġunju 2020, p. 41-42.

(100)  KESE, Stqarrija għall-istampa “Pressjoni allarmanti fuq is-Soċjetà Ċivili: Membru Pollakk tal-KESE fil-mira ta' ritaljazzjoni tal-Gvern, u l-NGOs ma jistgħux jagħżlu aktar il-kandidati tagħhom stess”, 23 ta' Ġunju 2020.

(101)  Stqarrija għall-istampa mill-Ministru għall-Ambjent, f'kooperazzjoni mal-Ministru għall-Ġustizzja, 7 ta' Awwissu 2020.

(102)  Ustawa z dnia 6 kwietnia 1990 r. o Policji (Dz.U. 1990 nr 30 poz. 179).

(103)  Osservazzjonijiet tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, 23 ta' Novembru 2016, paragrafi 39-40. Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Esperti tan-NU li tħeġġeġ lill-Polonja tiżgura parteċipazzjoni ħielsa u sħiħa waqt it-taħditiet dwar il-klima, 23 ta' April 2018.

(104)  EDPB, ittra dwar l-iżvelar tad-data tal-elezzjoni presidenzjali Pollakka, 5 ta' Mejju 2020.

(105)  Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Stqarrija tal-14 ta' April 2020.

(106)  Fl-2017, l-abort minħabba difetti fetali ammontaw għal 97,9 % tat-trattamenti kollha: Ċentru għas-Sistemi tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa, rapporti tal-Programm ta' Riċerka Statistika tal-Istatistika Pubblika MZ-29, kif ippubblikat fuq is-sit web tas-Sejm Pollakk. Sprawozdanie Rady Ministrów z wykonywania oraz o skutkach stosowania w 2016 r. ustawy z dnia 7 stycznia 1993 r. o planowaniu rodziny, ochronie płodu ludzkiego i warunkach dopuszczalności przerywania ciąży (Dz. U. poz. 78, z późnn. zm.).

(107)  Ara wkoll id-dokument ta' analiżi tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Diċembru 2017 bit-titlu “Women's sexual and reproductive health and rights in Europe” (“Is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa fl-Ewropa”); id-Dikjarazzjoni tat-22 ta' Marzu 2018 minn Esperti tan-NU li jagħtu pariri lill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa, u d-Dikjarazzjoni tal-14 ta' April 2020 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.

(108)  Ustawa z dnia 16 lipca 2020 r. o zmianie ustawy o zawodach lekarza i lekarza dentysty oraz niektórych innych ustaw (not yet published in the Official Journal).

(109)  Ustawa z dnia 5 grudnia 1996 r. o zawodach lekarza i lekarza dentysty (Dz.U. 1997 nr 28 poz. 152).

(110)  Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Marzu 2007, Tysiąc v. Il-Polanja (rikors nru 5410/03); is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Marzu 2007, R. R. v. Il-Polonja (rikors nru 27617/04); is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-30 ta' Ottubru 2012, P. u S. v Il-Polonja (rikors nru 57375/08).

(111)  Ir-riżoluzzjoni tal-PE tal-15 ta' Novembru 2017, paragrafu 18; PACE, Riżoluzzjoni 2316 (2020) tat-28 ta' Jannar 2020 dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Polonja, paragrafu 14; Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC), Osservazzjonijiet konklużivi dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, 23 ta' Novembru 2016, CCPR/C/POL/CO/7, paragrafi 15-18.

(112)  Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, Osservazzjonijiet konklużivi dwar it-tnejn u għoxrin sa l-erbgħa u għoxrin rapport perjodiku tal-Polonja, Awwissu 2019.

(113)  Ibid.

(114)  Ministeru tal-Ġustizzja, Stqarrija għall-Istampa “Proposta għad-denunzja tal-Konvenzjoni ta' Istanbul”, 25 ta' Lulju 2020.

(115)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16);

(116)  Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ REGIO, ittra lill-awtoritajiet tar-reġjuni Pollakki ta' Lublin, Łódź, Małopolskie, Podkarpackie u Świętokrzyskie, 27 ta' Mejju 2020. Ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C-507/18, ECLI:EU:C:2020:289.

(117)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2018, Coman, C-673/16, ECLI:EU:C:2018:385; Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Marzu 2010, Kozak v. Il-Polonja (rikors nru 13102/02); Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' Jannar 2008, E.B. v. Franza (rikors nru 43546/02); Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-19 ta' Frar 2013, X u Oħrajn v. L-Awstrija (rikors nru 19010/07); Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-30 ta' Ġunju 2016, Taddeucci and McCall v. L-Italja (rikors nru 51362/09); Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta' Lulju 2015, Oliari u Oħrajn v. L-Italja (rikorsi nru 18766/11 and 36030/11); Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Diċembru 2017, Orlandi u Oħrajn v. L-Italja (rikorsi nru 26431/12, 26742/12, 44057/12 u 60088/12); Is-Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Jannar 2020, Beizaras and Levickas v. Il-Litwanja (rikors nru 41288/15);

(118)  Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stqarrija għall-istampa, “The National Preventive Mechanism for the Prevention of Torture (KMPT) visits police places of detention after overnight detentions in Warsaw” (Il-Mekkaniżmu Nazzjonali ta' Prevenzjoni għall-Prevenzjoni tat-Tortura jżur il-postijiet ta' detenzjoni tal-pulizija wara d-detenzjonijiet imwettqa matul il-lejl f’Varsavja", 11 ta' Awwissu 2020, https://www.rpo.gov.pl/en/content/national-preventive-mechanism-prevention-torture-kmpt-visits-police-places-detention-after-overnight.

(119)  Pożizzjoni tal-Episkopat Pollakk dwar il-kwistjonijiet ta' LGBT +, Awwissu 2020, https://episkopat.pl/wp-content/uploads/2020/08/Stanowisko-Konferencji-Episkopatu-Polski-w-kwestii-LGBT.pdf.

(120)  Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

(121)  Espert Indipendenti tan-NU dwar il-ħarsien mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, Rapport dwar it-terapija ta' konverżjoni, Mejju 2020, https://undocs.org/A/HRC/44/53.


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/334


P9_TA(2020)0236

Suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0260 – C9-0186/2020 – 2020/0127(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 385/34)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0260),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0186/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Lulju 2020 (1),

wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-9 ta' Settembru 2020 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P9_TC1-COD(2020)0127

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' Settembru 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2020/1429.)


22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 385/335


P9_TA(2020)0237

Abbozz tal-baġit emendatorju Nru 8: Żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza biex tiġi ffinanzjata l-istrateġija dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 u għall-impatt tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 – Żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza biex tiġi ffinanzjata l-istrateġija dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 u għall-impatt tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (10696/2020 – C9-0290/2020 – 2020/1997(BUD))

(2021/C 385/35)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta’ Novembru 2019 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2020 adottat mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Awwissu 2020 (COM(2020)0900),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2020, adottata mill-Kunsill fil-11 ta’ Settembru 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (10696/2020 – C9-0290/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 94, 96 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 8/2020;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 6/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 57, 27.2.2020.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.