ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 362

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
8 ta' Settembru 2021


Werrej

Paġna

 

 

IL-PARLAMENT EWROPEW
SESSJONI 2020–2021
Dati tas-seduti: 17-19 ta’ Ġunju 2020
TESTI ADOTTATI

1


 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/01

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika (2020/2580(RSP))

2

2021/C 362/02

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2020/2657(RSP))

6

2021/C 362/03

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 (2019/2975(RSP))

8

2021/C 362/04

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019 (2019/2131(INI))

22

 

Il-Gimgħa 19 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/05

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))

37

2021/C 362/06

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019 (2019/2130(INI))

45

2021/C 362/07

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn (2020/2649(RSP))

55

2021/C 362/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd (2020/2685(RSP))

63

2021/C 362/09

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong (2020/2665(RSP))

71

2021/C 362/10

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (2020/2640(RSP))

77

2021/C 362/11

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (2020/2664(RSP))

82

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/12

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI))

90

 

Il-Gimgħa 19 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/13

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (2019/2209(INI))

114

2021/C 362/14

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (2019/2210(INI))

129


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

 

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/15

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck (2019/2154(IMM))

141

2021/C 362/16

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt (2019/2149(IMM))

143


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/17

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (05639/2/2020 – C9-0132/2020 – 2018/0178(COD)

145

2021/C 362/18

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (15300/1/2019 – C9-0102/2020 – 2018/0154(COD))

146

 

Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/19

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cabo Verde (mill-2019 sal-2024) (08662/1/2019 – C9-0004/2019 – 2019/0078(NLE))

147

2021/C 362/20

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (għall-2019 sal-2024) (08662/2019 – C9-0004/2019 – 2019/0078M(NLE))

148

2021/C 362/21

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019-2024) (08928/2019 – C9-0011/2019 – 2019/0090(NLE))

152

2021/C 362/22

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (mill-2019 sal-2024) (08928/2019 – C9-0011/2019 – 2019/0090M(NLE))

153

2021/C 362/23

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (12199/2019 – C9-0001/2020 – 2019/0173(NLE))

158

2021/C 362/24

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kuntest ta' negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet tad-WTO lill-Iżvizzera fir-rigward ta' laħam imħawwar (12482/2019 – C9-0194/2019 – 2019/0196(NLE))

159

2021/C 362/25

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni minn EGF/2020/000 TA 2020 – Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2020)0146 – C9-0112/2020 – 2020/2062(BUD))

160

2021/C 362/26

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija (COM(2020)0200 – C9-0127/2020 – 2020/2068(BUD))

164

2021/C 362/27

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019 (07764/2020 – C9-0131/2020 – 2020/2061(BUD))

166

2021/C 362/28

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, lil Spanja, lill-Italja u lill-Awstrija (08097/2020 – C9-0146/2020 – 2020/2069(BUD))

168

2021/C 362/29

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova (14205/2019 – C9-0192/2019 – 2012/0006(NLE))

170

2021/C 362/30

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE (07048/2015 – C9-0195/2019 – 2015/0035(NLE))

171

2021/C 362/31

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (06198/2013 – C9-0006/2019 – 2007/0181(NLE))

172

2021/C 362/32

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (14209/2019 – C9-0193/2019 – 2010/0180(NLE))

173

2021/C 362/33

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (14185/2019 – C9-0191/2019 – 2018/0155(NLE))

174

2021/C 362/34

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (09556/2019 – C9-0013/2019 – 2010/0186(NLE))

175

2021/C 362/35

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra (14207/2019 – C9-0196/2019 – 2012/0324(NLE))

176

2021/C 362/36

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19 (C(2020)02908 – 2020/2636(DEA))

177

2021/C 362/37

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/101 tas-26 ta' Ottubru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni prudenti skont l-Artikolu 105(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (C(2020)03428 – 2020/2668(DEA))

179

2021/C 362/38

P9_TA(2020)0157
Regolamenti emendatorji (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0310 – C9-0122/2020 – 2020/0066(COD))
P9_TC1-COD(2020)0066
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Ġunju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta' ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

180

2021/C 362/39

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta' sottokumitat għal kwistjonijiet fiskali (2020/2681(RSO))

181

2021/C 362/40

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali għall-ġlieda kontra l-kanċer (2020/2682(RSO))

182

2021/C 362/41

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (2020/2683(RSO))

186

2021/C 362/42

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali (2020/2684(RSO))

189

 

Il-Gimgħa 19 ta’ Ġunju 2020

2021/C 362/43

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta’Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni u lil hinn minnha, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu (2020/2690(RSO))

191

2021/C 362/44

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-Baġit 2021, Taqsima III – Kummissjoni (2019/2213(BUD))

195

2021/C 362/45

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0197 – C9-0134/2020 – 2020/0081(CNS))

205

2021/C 362/46

P9_TA(2020)0171
Appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013) ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0186 – C9-0128/2020 – 2020/0075(COD))
P9_TC1-COD(2020)0075
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Ġunju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

208

2021/C 362/47

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji ta’ ġbir, verifika u eżami stipulati fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0221 – C9-0142/2020 – 2020/0099(COD))

209


Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

***

Proċedura ta' approvazzjoni

***I

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari

***II

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari

***III

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att)

Emendi tal-Parlament:

Il-partijiet tat-testi l-ġodda huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa . Il-partijiet tat-test imħassra huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni hija indikata billi t-test il-ġdid jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

MT

 


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/1


IL-PARLAMENT EWROPEW

SESSJONI 2020–2021

Dati tas-seduti: 17-19 ta’ Ġunju 2020

TESTI ADOTTATI

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/2


P9_TA(2020)0140

Talba għal finanzjament għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar finanzjament addizzjonali għar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika (2020/2580(RSP))

(2021/C 362/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 168 u 179 sa 181 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni tat-2 ta' Settembru 2019 rigward “Ir-riċerka dwar l-enċefalomijelite mijalġika (ME)” (E-002599/2019) u t-tweġiba tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2018 dwar “Is-sindromu tal-għeja kronika” (E-006124/2018) u t-tweġiba tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019,

wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni tat-28 ta' Awwissu 2018 dwar “L-enċefalomijelite mijalġika: rikonoxximent mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u appoġġ tal-Kummissjoni għar-riċerka u t-taħriġ” (E-004360/2018) u t-tweġiba tal-Kummissjoni tal-1 ta' Novembru 2018,

wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar “Il-finanzjament tar-riċerka dwar l-enċefalomijelite mijalġika/is-sindromu tal-għeja kronika” (E-006901/2017) u t-tweġiba tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva diversi petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar in-nuqqas ta' trattamenti u n-nuqqas ta' fondi tar-riċerka bijomedika dwar l-enċefalomijelite mijalġika/is-sindromu tal-għeja kronika (ME/CFS) fl-UE;

B.

billi skont l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha “d-dritt li tgawdi minn kura medika skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”, filwaqt li strumenti internazzjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, jirrikonoxxu jew jirreferu għad-dritt għas-saħħa jew għal elementi tiegħu, bħad-dritt għall-kura medika;

C.

billi l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom ikunu diretti lejn it-titjib tas-saħħa pubblika; billi dan l-objettiv għandu jintlaħaq permezz tal-appoġġ tal-Unjoni lill-Istati Membri, billi titrawwem il-kooperazzjoni u titħeġġeġ ir-riċerka dwar il-kawżi, it-trażmissjoni u l-prevenzjoni tal-mard;

D.

billi l-ME/CFS hija marda multisistemika kronika debilitanti li l-etjoloġija tagħha mhijiex magħrufa, u li s-sintomi, is-severità u l-progressjoni tagħha huma estremament varjabbli;

E.

billi l-ME/CFS hija kklassifikata bħala diżordni tas-sistema nervuża mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD-11) taħt il-kodiċi 8E49 (Sindromu tal-għeja postvirali);

F.

billi l-ME/CFS hija marda kumplessa u ferm invalidanti, peress li l-għeja estrema u sintomi fiżiċi oħra jistgħu jagħmluha impossibbli li persuni affettwati jwettqu attivitajiet ta' kuljum; billi l-kwalità tal-ħajja tista' tiġi affettwata b'mod sever u l-pazjenti affettwati mill-ME/CFS jistgħu jispiċċaw kostretti jibqgħu fis-sodda jew id-dar bi tbatija serja, b'effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet soċjali u dawk bejn membri tal-familja u bi spejjeż sinifikanti għas-soċjetà f'termini ta' telf tal-kapaċità ta' xogħol;

G.

billi jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lir-riskju għoli ta' esklużjoni soċjali tal-persuni affettwati mill-ME/CFS; billi f'dan is-sens, għall-persuni impjegati li jbatu bil-marda, huwa kruċjali li dawn ikunu jistgħu jibqgħu fil-post ta' impjieg tagħhom sabiex ma jispiċċawx iżolati;

H.

billi għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet u l-ambjent tax-xogħol tal-persuni impjegati li jbatu bl-ME/CFS; billi għandhom ikunu intitolati wkoll għall-adattament tal-post fejn jaħdmu u tal-ħin tax-xogħol;

I.

billi għad m'hemm l-ebda testijiet bijomediċi ta' dijanjosi stabbiliti għall-ME/CFS, u lanqas m'hemm xi trattament approvat mill-UE/EMA;

J.

billi l-inċidenza u l-prevalenza tal-ME/CFS fl-UE mhumiex magħrufa u l-istess jgħodd għall-piż soċjali u ekonomiku ġenerali li jirriżulta minn din il-marda, minħabba n-nuqqas ta' ġbir ta' data kkoordinat u komprensiv fil-livell tal-UE;

K.

billi skont it-tweġiba tal-Kummissjoni tat-30 ta' Awwissu 2019 għall-Petizzjoni Nru 0204/2019, il-marda ME/CFS hija dijanjostikata għal madwar 24 miljun persuna fid-dinja iżda huwa meqjus li din iċ-ċifra tikkorrispondi biss għal 10 % tan-numru effettiv ta' persuni affettwati mill-ME/CFS;

L.

billi l-American Myalgic Encephalomyelitis and Chronic Fatigue Syndrome Society (Is-Soċjetà Amerikana tal-Enċefalomijelite Mijalġika u s-Sindromu tal-Għeja Kronika) tistma bejn 17-il miljun u 24 miljun ruħ fid-dinja jbatu bl-ME/CFS;

M.

billi jitqies li madwar żewġ miljun ruħ fl-UE, irrispettivament mill-etniċità, l-età jew is-sess, huma milquta mill-ME/CFS; billi fost l-adulti, in-nisa huma dawk l-aktar milquta;

N.

billi sal-lum ma tantx nafu dwar il-marda tal-ME/CFS u, konsegwentement, ma ġietx dijanjostikata biżżejjed, minħabba li ma kienx hemm biżżejjed għarfien dwar din il-marda fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, jew inkella minħabba d-diffikultajiet fl-identifikazzjoni tas-sintomi u fin-nuqqas ta' testijiet dijanjostiċi xierqa; billi n-nuqqas ta' fehim tal-ME/CFS jista' jxekkel b'mod konsiderevoli r-rikonoxximent ta' diżabbiltà okkupazzjonali tal-pazjenti;

O.

billi l-komunità tal-pazjenti tħossha mċaħħda u injorata mill-awtoritajiet pubbliċi u mis-soċjetà kollha kemm hi, u titlob b'mod leġittimu li jkun hemm aktar għarfien u finanzjament addizzjonali biex jiġi appoġġat il-progress fir-riċerka; billi l-pazjenti jilmentaw li jħossuhom stigmatizzati minħabba in-nuqqas ta' għarfien dwar din il-marda; billi l-istigma fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni li jbatu bl-ME/CFS u t-tbatija psikoloġika marbuta magħha, li għandha impatt drammatiku fuq l-individwi, il-familji u s-soċjetà u fuq kull aspett tal-ħajja taċ-ċittadini, hija ta' spiss mhux rikonoxxuta b'mod xieraq;

P.

billi hemm ir-riskju li jkun hemm ostakli għall-aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ milquta mill-ME/CFS;

Q.

billi l-ħtieġa ta' rikonoxximent aħjar ta' dan it-tip ta' mard fil-livell tal-Istati Membri hija evidenti; billi għandu jiġi pprovdut taħriġ immirat speċifikament għas-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi, il-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-uffiċjali pubbliċi inġenerali;

R.

billi l-Petizzjoni 0204/2019 irċeviet u għadha tirċievi numru sinifikanti ta' firem ta' appoġġ, minn pazjenti u mill-familji tagħhom kif ukoll mill-komunità xjentifika, u din tappella għal aktar riżorsi li għandhom jiġu investiti fir-riċerka bijomedika dwar l-ME/CFS u l-appoġġ lill-pazjent;

S.

billi matul is-snin, diversi Membri tal-Parlament Ewropew ressqu mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar id-disponibbiltà ta' finanzjament tal-UE għar-riċerka dwar l-ME/CFS;

T.

billi l-isforzi ta' riċerka dwar l-ME/CFS jibqgħu pjuttost ifframmentati u hemm nuqqas ta' koordinazzjoni tar-riċerka fil-livell tal-UE; billi, minkejja l-appoġġ mogħti minn Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), għal għadd ta' proġetti ta' riċerka dwar disturbi newroloġiċi ta' etjoloġiji differenti kif ukoll riċerka dwar l-uġigħ (bħal Help4Me, GLORIA u l-RTCure), il-Kummissjoni ammettiet, fit-tweġiba tagħha tat-30 ta' Jannar 2019 għall-Mistoqsija bil-Miktub E-006124/2018, li “s'issa l-ebda proġett speċifiku dwar id-dijanjosi jew it-trattament tal-ME/CFS ma ġie appoġġat mill-Programmi Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”;

1.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenza għolja tal-ME/CFS fl-UE, hekk kif madwar 2 miljun ċittadin huma affettwati mill-marda;

2.

Jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija (COST), li reċentement ħolqot network integrat ta' riċerkaturi li jaħdmu fil-qasam tal-ME/CFS (Euromene); jemmen li l-Euromene jista' “jżid valur” lil attivitajiet li ma jkunux daqshekk effettivi jekk jitwettqu fil-livell nazzjonali biss;

3.

Jilqa' l-ħidma li qed titwettaq bħalissa min-network Euromene bil-għan li jiġi stabbilit approċċ komuni għall-Ewropa kollha biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji fl-għarfien ta' din il-marda kumplessa u biex titwassal informazzjoni dwar il-piż tal-marda fl-Ewropa u dwar id-dijanjosi klinika u t-trattamenti potenzjali għall-fornituri tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u partijiet ikkonċernati oħra;

4.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li għamlet fit-tweġiba tagħha tat-28 ta' Ottubru 2019 għall-Mistoqsija bil-Miktub E-002599/2019 biex tipprovdi aktar opportunitajiet għal riċerka dwar il-ME/CFS permezz tal-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni li jmiss li se jissostitwixxi Orizzont 2020, jiġifieri Orizzont Ewropa;

5.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-inizjattivi ta' finanzjament adottati s'issa mill-Kummissjoni mhumiex biżżejjed; huwa mħasseb dwar in-nuqqas attwali ta' fondi tar-riċerka dwar l-ME/CFS, li hija kundizzjoni li tista' titqies bħala problema tas-saħħa pubblika moħbija fl-UE; jissottolinja l-ħtieġa dejjem aktar urġenti li jiġu indirizzati l-konsegwenzi umani u soċjoekonomiċi tal-għadd dejjem akbar ta' individwi li jgħixu u jaħdmu b'dawn il-kundizzjonijiet invalidanti u kroniċi fit-tul li jaffettwaw is-sostenibbiltà u l-kontinwità tax-xogħol u l-impjieg tagħhom;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi addizzjonali u tipprijoritizza sejħiet għal proġetti ffokati speċifikament fuq ir-riċerka bijomedika dwar l-ME/CFS, bil-għan li jiġu żviluppati u vvalidati test bijomediku ta' dijanjosi u trattamenti bijomediċi effettivi li jistgħu jfejqu l-marda jew itaffu l-effetti tagħha;

7.

Jemmen li n-nuqqas attwali ta' fondi għar-riċerka bijomedika dwar l-ME/CFS mhuwiex ġustifikat meta wieħed iqis l-għadd kbir stmat ta' pazjenti u l-impatt ekonomiku u soċjali konsegwenti ta' din il-marda;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati proġetti innovattivi li jistgħu jiżguraw ġbir ta' data koordinat u komprensiv dwar din il-marda fl-Istati Membri, u jitlob li jkun hemm rappurtar obbligatorju fl-Istati Membri kollha affettwati mill-ME/CFS;

9.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw b'mod determinat il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-rikonoxximent xieraq tal-ME/CFS;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fir-rigward tal-metodi ta' skrinjar, id-dijanjosi u t-trattament, u biex toħloq reġistru Ewropew tal-prevalenza ta' pazjenti affettwati mill-ME/CFS;

11.

Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi finanzjament biex jiġu żgurati edukazzjoni u taħriġ mediċi xierqa u mtejba għall-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali li jaħdmu ma' pazjenti milquta mill-ME/CFS; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà ta' fond tal-UE għall-prevenzjoni u t-trattament tal-ME/CFS;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-finanzjament tal-appoġġ loġistiku neċessarju għar-riċerkaturi bil-ħsieb li tippromwovi l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka f'dan il-qasam fl-UE, sabiex jiġu identifikati l-kumplessità tad-dijanjostika tal-ME/CFS u l-isfidi tal-kura tal-pazjenti u biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-aċċess għad-data dwar l-innovazzjoni u s-saħħa miġbura permezz tal-kontribut tal-esperti u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha, ħalli tingħata prijorità lill-politika t-tajba;

13.

Jappella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-riċerka dwar l-ME/CFS, bil-ħsieb li jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' standards dijanjostiċi oġġettivi u forom effettivi ta' trattament;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona studju li jivvaluta l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi globali attribwibbli għall-ME/CFS fl-UE;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-pubbliku sabiex jiġbdu l-attenzjoni dwar l-eżistenza u s-sintomi tal-ME/CFS;

16.

Jistieden lill-Kunsill, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE li jmiss, biex jaċċetta t-talba tal-Parlament għal żieda fil-baġit għal Orizzont Ewropa u l-adozzjoni rapida ta' dak il-baġit sabiex ix-xogħol ikun jista' jibda fil-ħin biex tiġi żgurata r-riċerka dwar il-ME/CFS;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isfidi speċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-riċerkaturi li jaħdmu fuq mard li l-kawża tiegħu ma tkunx magħrufa, bħall-ME/CFS, u biex tiżgura li, minkejja dawn id-diffikultajiet, ir-riċerka bijomedika dwar tali mard tingħata aċċess ekwu għall-finanzjament ipprovdut minn Orizzont Ewropa;

18.

Jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjoni billi jiġu promossi aktar l-attivitajiet fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-“Jum tal-Mard Rari” imfakkar fl-aħħar jum ta' Frar ta' kull sena;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/6


P9_TA(2020)0153

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2020/2657(RSP))

(2021/C 362/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (1), tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (2), tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro (3), u tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (5),

wara li kkunsidra l-proposta minn Ursula von der Leyen, li dak iż-żmien kienet President Nominat tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Lulju 2019 fil-qafas tal-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024 dwar l-organizzazzjoni ta' Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (“il-Konferenza”),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2020 bl-isem “It-tfassil tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa” (COM(2020)0027),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019 dwar l-approċċ ġenerali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-“Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru (8),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta' Schuman,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi hemm bżonn li jiġu indirizzati sew l-isfidi interni u sew dawk esterni li l-Ewropa qed tiffaċċja, kif ukoll l-isfidi soċjetali u transnazzjonali ġodda li ma kinux għalkollox previsti meta ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona; billi l-għadd ta' kriżijiet sinifikanti li għaddiet minnhom l-Unjoni juri li huma meħtieġa riformi istituzzjonali u politiċi f'oqsma governanza multipli;

B.

billi l-kriżi kurrenti tal-COVID-19 uriet bi prezz għoli ħafna li l-UE għadha proġett mhux mitmum u li n-nuqqas li jiġu żgurati s-solidarjetà u l-koordinazzjoni, ix-xokkijiet fuq l-ekonomija, is-saħħa u s-soċjetà, u l-attakki li għaddejjin fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt jeħtieġ li jiġu indirizzati aħjar mill-Konferenza; billi l-kriżi li għaddejjin minnha, għalhekk, tagħmilha aktar urġenti għall-Unjoni Ewropea li tibda taħdem dwar kif issir aktar effettiva, demokratika u eqreb taċ-ċittadini;

C.

billi l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill kollha ddikjaraw li għandha tiġi organizzata Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u li dan il-proċess ta' Konferenza għandu jkun opportunità biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu involuti mill-qrib f'eżerċizzju minn isfel għal fuq fejn jinstemgħu u l-vuċijiet tagħhom jikkontribwixxu għad-dibattiti dwar il-futur tal-Ewropa;

D.

billi l-Konferenza għandha tippermetti forum miftuħ għad-diskussjoni fost il-parteċipanti differenti mingħajr eżitu determinat minn qabel; billi l-ftehim komuni tat-tliet istituzzjonijiet għandu għalhekk jikkonċerna biss il-format u l-organizzazzjoni tal-Konferenza;

1.

Jemmen li 10 snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, 70 sena wara d-Dikjarazzjoni ta' Schuman u fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, wasal iż-żmien għal rivalutazzjoni tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-kriżi tal-COVID-19 għamlet il-ħtieġa ta' Konferenza aktar urġenti;

2.

Huwa tal-fehma li l-kriżi tal-COVID-19 għamlet aktar evidenti l-ħtieġa għal riforma tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li wriet il-ħtieġa urġenti ta' Unjoni effettiva u effiċjenti; huwa għalhekk tal-fehma li l-proċess tal-Konferenza għandu jqis l-istrumenti eżistenti tal-UE għall-irkupru u s-solidarjetà li diġà ġiet stabbilita, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà ekoloġika, l-iżvilupp ekonomiku, il-progress soċjali, is-sigurtà u d-demokrazija;

3.

Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni li ddeskriva fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 fid-dimensjonijiet kollha tagħha u jtenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidħlu f'negozjati biex jinstab ftehim komuni dwar l-istabbiliment tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa qabel il-waqfa tas-sajf;

4.

Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma adottax pożizzjoni dwar il-Konferenza u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill jegħleb id-differenzi tiegħu u jippreżenta minnufih pożizzjoni dwar il-format u l-organizzazzjoni tal-Konferenza;

5.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-pożizzjoni tagħha dwar il-Konferenza u l-fatt li hija lesta timxi 'l quddiem b'mod rapidu;

6.

Iħeġġeġ lill-Kunsill biex fil-mandat tiegħu jinkludi impenn għal segwitu sinifikanti u għall-involviment dirett sinifikanti taċ-ċittadini, u biex iżomm l-ambitu tal-Konferenza miftuħ għall-eżiti possibbli kollha, inklużi proposti leġiżlattivi, filwaqt li jingħata bidu għal bidla fit-trattati jew b'xi mod ieħor;

7.

Jenfasizza li, minkejja l-pandemija, l-involviment dirett taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti eletti jeħtiġilhom jibqgħu prijorità tal-Konferenza; jistenna, għalhekk, bil-ħerqa li tibda l-Konferenza sabiex tinbena Unjoni aktar demokratika, aktar effettiva u aktar reżiljenti flimkien maċ-ċittadini kollha tal-UE;

8.

Jirrikonoxxi li l-bidu tal-Konferenza kellu jitħalla għal iktar tard minħabba l-pandemija; jinnota, madankollu, li l-pandemija tefgħet id-dawl fuq ċerti nuqqasijiet fl-Unjoni tagħna; huwa għalhekk determinat li l-Konferenza tibda kemm jista' jkun malajr fil-ħarifa tal-2020;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.

(2)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

(3)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 235.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0098.

(5)  ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0010.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0124.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/8


P9_TA(2020)0156

L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 (2019/2975(RSP))

(2021/C 362/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 2, 9, 10, 19 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-Artikoli 3, 15, 20, 21, 23, 25, 30, 26 u 47 tagħha,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipju 17 tiegħu dwar l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità, il-prinċipju 3 dwar l-opportunitajiet indaqs u l-prinċipju 10 dwar ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sikur u adattat sew u l-protezzjoni tad-data;

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), u d-dħul fis-seħħ tagħha fil-21 ta' Jannar 2011, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (1),

wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali tas-CRPD bħala l-gwida awtoritattiva dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD,

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jispjega l-arranġamenti interni għall-implimentazzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-rappreżentanza tagħha relatati mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (2),

wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tat-2 ta' Ottubru 2015 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (il-Kumitat dwar is-CRPD) dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

wara li kkunsidra l-inkjesti strateġiċi tal-Ombudsman Ewropew dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tiżgura li persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw is-siti web tagħha (OI/6/2017/EA), kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta lil persuni b'diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard għall-persunal tal-UE (OI/4/2016/EA), u d-deċiżjoni tagħha f'inkjesta konġunta fil-każijiet 1337/2017/EA u 1338/2017/EA dwar l-aċċessibilità għal kandidati b'vista batuta għall-proċeduri tal-għażla biex jiġu rreklutati bħala impjegati taċ-ċivil tal-UE, organizzati mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, li l-UE hi impenjata li timplimenta,

wara li kkunsidra r-referenzi espliċiti dwar id-diżabilità fl-SDGs, relatati mal-edukazzjoni (SDG 4), it-tkabbir u l-impjiegi (SDG 8), l-inugwaljanza (SDG 10), l-aċċessibilità għal insedjamenti umani (SDG 11) u l-ġbir ta' data (SDG 17),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

wara li kkunsidra l-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mitluba mill-Parlament dwar is-sitwazzjoni ta' nisa b'diżabilità,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri rigward il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (“Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva”) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (“Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi”) (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (8),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 intitolata “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-ġdid għal Ewropa mingħajr ostakoli” (COM(2010)0636),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 bit-titolu “Ewropa Soċjali b'saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti” (COM(2020)0014),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2017 intitolat “Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020” (SWD(2017)0029),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tat-2 ta' April 2009 (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD (12),,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għall-persuni neqsin mis-smigħ (16), tat-18 ta' Novembru 1998 dwar il-lingwi tas-sinjali (17) u tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-lingwa tas-sinjali u l-interpreti professjonali tal-lingwa tas-sinjali (18),

wara li kkunsidra l-istudju tal-2016 tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku C intitolat “European structural and investment funds and persons with disabilities in the European Union” (Fondi strutturali u ta' investiment Ewropej u persuni b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea),

wara li kkunsidra l-briefing tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew intitolat “L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020”,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2018 mill-Ombudsman Ewropew,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata “It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b'diżabilità 2020-2030”,

li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2019 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),

wara li kkunsidra r-rapporti tematiċi tal-FRA,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2019 dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020,

wara li kkunsidra l-istatistika tal-Eurostat dwar id-diżabilità fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-faqar u l-inugwaljanzi fl-introjtu,

wara li kkunsidra r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta' persuni b'diżabilità,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (19), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 6 u 7 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (20), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(9) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (21), b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (22),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, bħala ċittadini sħaħ, il-persuni kollha b'diżabilità għandhom drittijiet ugwali fl-oqsma kollha tal-ħajja (inkluż aċċess għal suq tax-xogħol miftuħ u għall-edukazzjoni) u huma intitolati għal dinjità inaljenabbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti, awtonomija u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà, filwaqt li jintwera rispett u jingħata valur lill-input tagħhom għall-progress soċjali u ekonomiku tal-UE; billi aktar minn nofs l-Istati Membri qed iċaħħdu lin-nies li jbatu minn problemi ta' saħħa mentali jew li għandhom diżabilità intellettwali mid-dritt tal-vot tagħhom;

B.

billi hemm madwar 100 miljun persuna b'diżabilità fl-Unjoni Ewropea (23) li għadhom imċaħħda mid-drittijiet tal-bniedem bażiċi tagħhom u li kuljum huma ostakolati milli jgħixu ħajja indipendenti; billi n-nisa jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-persuni b'diżabilità kif ukoll jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira ta' indokraturi għal persuni b'diżabilità; billi l-għadd ta' tfal b'diżabilità mhuwiex magħruf minħabba nuqqas ta' statistika, iżda jista' jkun fir-reġjun ta' 15 % tal-għadd totali ta' tfal fl-Unjoni Ewropea; billi popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ aktar se jkollha aktar nies li jesperjenzaw xi diżabilità u li jkunu jeħtieġu ambjent aktar aċċessibbli u li jappoġġjahom, inklużi servizzi adattati b'mod xieraq;

C.

billi t-TFUE jobbliga lill-Unjoni tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10), u jagħtiha s-setgħa li tadotta leġiżlazzjoni sabiex tindirizza tali diskriminazzjoni (l-Artikolu 19);

D.

billi l-Artikolu 21 u l-Artikolu 26 tal-Karta jipprojbixxu b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità u jipprevedu l-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabilità fis-soċjetà;

E.

billi s-CRPD hija l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem irratifikat mill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha;

F.

billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) ssaħħaħ il-fatt li s-CRPD hija vinkolanti fuq l-UE u fuq l-Istati Membri tagħha meta tadotta u timplimenta d-dritt tal-UE, peress li hija strument ta' leġiżlazzjoni sekondarja (24);

G.

billi l-Protokoll Fakultattiv tas-CRPD ma ġiex irratifikat mill-UE u minn diversi Stati Membri;

H.

billi t-tfal b'diżabilità għandu jkollhom tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma' tfal oħra, inkluż id-dritt li jikbru fil-familji tagħhom jew f'ambjent tal-familja li jkun konformi mal-aħjar interessi tagħhom kif definit fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; billi l-membri tal-familja ta' spiss ikollhom inaqqsu jew iwaqqfu l-attivitajiet professjonali tagħhom sabiex jieħdu ħsieb membri tal-familja b'diżabilità; billi l-Istudju ta' Fattibilità għal Garanzija għat-Tfal tal-Kummissjoni Ewropea (rapport intermedju) jindika li l-ostakli ewlenin identifikati għal tfal b'diżabilità huma problemi ta' aċċess fiżiku, in-nuqqas ta' adattament ta' servizzi u faċilitajiet għall-ħtiġijiet tat-tfal u, f'ħafna każijiet, sempliċiment in-nuqqas ta' disponibilità tagħhom; billi fl-istess studju kien hemm ħafna minn dawk li wieġbu li ppuntaw subgħajhom lejn il-problemi ta' diskriminazzjoni, b'mod speċifiku fir-rigward ta' problemi relatati mal-edukazzjoni, u l-affordabilità fir-rigward ta' problemi relatati mal-akkomodazzjoni;

I.

billi l-prinċipji tas-CRPD jmorru ferm lil hinn mid-diskriminazzjoni, u juru t-triq lejn it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni kollha b'diżabilità u mill-familji tagħhom f'soċjetà inklużiva;

J.

billi l-ġurisprudenza tal-QĠUE tipprevedi li politika tista' titqies bħala indirettament diskriminatorja jekk, fil-prattika, id-dispożizzjoni kkontestata taffettwa b'mod negattiv proporzjon sostanzjalment ogħla ta' persuni b'diżabilità; billi jekk hemm ukoll suspett li dispożizzjoni hija intrinsikament diskriminatorja u li x'aktarx ikollha effett negattiv simili, din titqies ukoll diskriminatorja;

K.

billi l-Artikolu 1 tas-CRPD jiddikjara li “persuni b'diżabilità jinkludu dawk li għandhom nuqqasijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul, li meta jirrelataw ma' ostakoli varji jistgħu jtellfuhom milli jipparteċipaw b'mod sħiħ u effettiv fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn”; billi l-Artikolu 9 tas-CRPD, huwa ta' importanza partikolari f'dak ir-rigward;

L.

billi 37 % tal-persuni fl-UE-28 li għandhom 15-il sena jew aktar irrappurtaw fl-2018 li għandhom limitazzjonijiet fiżiċi jew sensorjali moderati jew serji; billi 24,7 % tal-popolazzjoni fl-UE-28 li għandhom 16-il sena jew aktar irrappurtaw fl-2018 li għandhom xi limitazzjonijiet jew limitazzjonijiet fit-tul serji fl-attivitajiet tas-soltu tagħhom minħabba problemi ta' saħħa; billi 17,7 % rrappurtaw xi limitazzjonijiet fit-tul u 7 % rrappurtaw limitazzjonijiet fit-tul serji (25);

M.

billi l-piż ta' mard kroniku ewlieni jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-sena ta' ħajja aġġustat għad-diżabilità (DALY); billi, madankollu, oqfsa li jindirizzaw mard kroniku jvarjaw madwar l-UE, u jistgħu jkunu parti minn skemi ta' diżabilità usa' f'uħud mill-Istati Membri;

N.

billi l-Eurofound innutat li hemm nuqqas ta' ċarezza rigward l-inklużjoni tal-kunċett ta' “mard” (kroniku) fid-definizzjoni tad-diżabilità (26); billi l-Aġenzija tirrakkomanda li rieżami tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità għandu jfittex li jindirizza din il-kwistjoni;

O.

billi l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 naqset milli tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi u milli tinkludi u tindirizza s-sitwazzjoni speċifika, il-forom ta' diskriminazzjoni u ċ-ċaħda tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet b'diżabilità, li jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni multipla u ksur ieħor tad-drittijiet tagħhom; billi l-effetti ta' diskriminazzjoni multipla huma l-faqar, l-esklużjoni soċjali u edukattiva u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol (aktar probabbli biex jittieħdu impjiegi b'pagi baxxi, temporanji jew prekarji), u dawn jikkawżaw aktar stress u piż psikoloġiku għall-persuni b'diżabilità u għall-familji tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom; billi t-trattament ugwali jista' jiġi żgurat bl-applikazzjoni ta' miżuri u politiki pożittivi għan-nisa b'diżabilità, l-ommijiet/il-missirijiet ta' tfal b'diżabilità, ġenituri waħedhom b'diżabilità u/jew ġenituri waħedhom ta' tfal b'diżabilità; billi l-inklużjoni ta' dimensjoni tal-ġeneri fl-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità mistennija wara l-2020 tikkontribwixxi għal approċċ intersezzjonali biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra nisa u bniet b'diżabilità;

P.

billi fl-2018 madwar 28,7 % tal-popolazzjoni tal-UE b'diżabilità (ta' 16-il sena jew aktar) kienu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali (27);

Q.

billi, minkejja li l-Artikolu 19 tas-CRPD jiddikjara li “L-Istati Partijiet għal din il-Konvenzjoni jagħrfu d-dritt ugwali tal-persuni kollha b'diżabilità li jgħixu fil-komunità, b'għażliet ugwali bħal ħaddieħor, u għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b'diżabilità ta' dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazjoni tagħhom b'mod sħiħ fil-komunità”, għad hemm 800 000 persuna b'diżabilità li huma mċaħħda mid-dritt tagħhom li jivvutaw fl-UE;

R.

billi l-persuni torox-għomja jbatu minn diżabilitajiet doppji u uniċi, li jgħaqqdu żewġ nuqqasijiet sensorji (viżwali u ta' smigħ), u dan jirrestrinġi l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom u jikkawża problemi speċifiċi bħall-aċċess għall-komunikazzjoni, l-informazzjoni, il-mobilità u l-interazzjonijiet soċjali;

S.

billi l-benefiċċji relatati mad-diżabilità għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-istat immirata biex tgħin lin-nies jeliminaw l-ostakoli li ġejjin mid-diżabilità u/jew il-kundizzjoni medika tagħhom bil-għan li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, flimkien mas-sostituzzjoni tal-introjtu meta jkun meħtieġ;

T.

billi l-Artikolu 9 tas-CRPD jirrikonoxxi li jridu jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi żgurat li persuni b'diżabilità, b'mod partikolari l-bniet u n-nisa, ikunu jistgħu jgawdu aċċess reali għall-ambjent fiżiku, għall-faċilitajiet tat-trasport, għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni, inklużi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u għal faċilitajiet u servizzi oħra li huma miftuħa għall-pubbliku jew ipprovduti lilu, kemm f'żoni rurali kif ukoll urbani;

U.

billi d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, adottata f'Ġunju 2019 (28), tistabbilixxi, għall-ewwel darba fil-livell tal-UE, dritt għal kull ħaddiem għal liv tal-persuni li jindukraw ta' ħamest ijiem ta' xogħol fis-sena;

V.

billi l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 (l-Istrateġija) serviet bħala qafas għal proposti ta' politika u proposti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tas-CRPD kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE;

W.

billi persuni b'diżabilità għadhom mhux qed jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jgawdu d-drittijiet tagħhom; billi f'konformità mal-Artikolu 29 tas-CRPD, il-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità tista' tinkiseb biss jekk jiġu inklużi fil-ħajja politika u pubblika, fejn spiss ikunu sottorappreżentati;

X.

billi l-Istrateġija ma ġietx adattata għal oqsma ta' politika emerġenti, pereżempju ma ġietx allinjata la mal-Aġenda 2030, li l-UE u l-Istati Membri tagħha kollha huma impenjati li jimplimentaw, u lanqas mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

Y.

billi matul il-kriżi tal-COVID-19, il-persuni b'diżabilità esperjenzaw sfidi serji u każijiet ta' ksur tad-drittijiet, bħal interruzzjonijiet fl-assistenza personali, fis-servizzi ta' kura u appoġġ, fl-aċċess inugwali għal informazzjoni relatata mas-saħħa u l-kura tas-saħħa u/jew esklużjoni sħiħa minnhom, inkluża kura urġenti, nuqqas ta' informazzjoni ġenerali relatata mas-sikurezza pubblika ppreżentata b'mod ċar u sempliċi, inkluż f'formati aċċessibbli, mingħajr ostakoli u f'formati faċli biex jintużaw, nuqqas ta' miżuri ta' prekawzjoni f'istituzzjonijiet residenzjali, aċċess inugwali għall-alternattivi offruti minn istituzzjonijiet edukattivi, jiġifieri tagħlim mill-bogħod u online, u żieda fil-każijiet ta' vjolenza domestika; billi hemm il-possibbiltà li l-pandemija u l-isfidi ta' hawn fuq jerġgħu jitfaċċaw fix-xhur li ġejjin;

Z.

billi l-Istrateġija ma tkoprix id-dispożizzjonijiet kollha tas-CRPD;

AA.

billi l-Kummissjoni sa issa għadha ma wettqitx rieżami komprensiv u trażversali tal-leġiżlazzjoni tagħha sabiex tiżgura armonizzazzjoni sħiħa mad-dispożizzjonijiet tas-CRPD;

AB.

billi l-Istrateġija kurrenti kisbet progress limitat;

AC.

billi kien hemm nuqqas ta' integrazzjoni tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilità f'għadd kbir ta' oqsma ta' politika tal-UE;

AD.

billi għadha qed tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida u riveduta mingħajr ebda referenza għas-CRPD u l-aċċessibilità; billi l-aċċessibilità hija prerekwiżit għall-għajxien indipendenti u għall-parteċipazzjoni; billi l-UE, bħala parti fis-CRPD, għandha d-dmir li tiżgura l-involviment mill-qrib u l-parteċipazzjoni attiva ta' persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki, filwaqt li tirrispetta d-diversi kunċetti ta' diżabilità;

AE.

billi huwa fundamentali għall-persuni b'diżabilità li jkollhom aċċess sħiħ u ugwali għas-suq tax-xogħol, li għadu problematiku minħabba r-rata ta' impjieg attwali, li hija ta' 50,6 % (53,3 % għall-irġiel u 48,3 % għan-nisa b'diżabilità), meta mqabbla ma' 74,8 % fost il-persuni mingħajr diżabilità (29), u r-rata tal-qgħad ta' persuni b'diżabilità li għandhom bejn l-20 u l-64 sena, li hija ta' 17 %, imqabbla ma' 10 % tal-persuni mingħajr diżabilità, u b'hekk bosta persuni qed jiġu impediti milli jgħixu ħajja indipendenti u attiva; billi kull sena proporzjon konsiderevoli ta' 4 miljun ruħ li jgħixu mingħajr dar għandhom diżabilità; billi d-data tvarja b'mod konsiderevoli bejn tipi differenti ta' diżabilità u ħtiġijiet ta' appoġġ;

AF.

billi min iħaddem jeħtieġlu jiġi appoġġjat u mħeġġeġ jiżgura li l-persuni b'diżabilità jkunu awtonomizzati tul it-passaġġ sħiħ mill-edukazzjoni sal-impjieg; billi għal dan il-għan, is-sensibilizzazzjoni ta' min iħaddem hija mezz wieħed biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

AG.

billi l-miżuri fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali għall-promozzjoni ta' saħħa mentali pożittiva, kif ukoll għall-prevenzjoni tal-mard mentali u d-diżabilitajiet psikosoċjali;

AH.

billi l-azzjonijiet immirati biex jindirizzaw l-isfidi tal-bidla demografika jeħtieġ li jinkludu miżuri xierqa maħsuba biex il-persuni b'diżabilità jinżammu attivi fis-suq tax-xogħol; billi dan mhux biss jinkludi miżuri ta' prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, iżda wkoll miżuri li jiffokaw fuq ir-riabilitazzjoni u l-parteċipazzjoni wara mard jew inċident;

AI.

billi l-parteċipazzjoni tista' tinkiseb bis-sħiħ biss jekk firxa kbira ta' persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom jiġu inklużi u t-tipi kollha ta' partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati b'mod siewi, filwaqt li jiġu rispettati d-diversi kunċetti ta' diżabilità;

1.

Jirrikonoxxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tas-CRPD, li rriżulta mill-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq dak li nkiseb billi tkabbar l-impenn tagħha lejn id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità permezz ta' Strateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 (Strateġija wara l-2020);

2.

Ifakkar li fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu, il-kumitat tas-CRPD innota b'mod kritiku li l-miżuri ta' awsterità adottati mill-UE u mill-Istati Membri tagħha kienu baxxew l-livell tal-għajxien tal-persuni b'diżabilità, u dan wassal għal livelli ogħla ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali u għal tnaqqis fis-servizzi soċjali u fl-appoġġ għall-familji u s-servizzi bbażati fil-komunità;

3.

Ifakkar li l-Kumitat tas-CRPD esprima t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni prekarja tal-persuni b'diżabilità fil-kriżi kurrenti tal-migrazzjoni fl-UE, b'mod partikolari minħabba l-fatt li r-rifuġjati, il-migranti u dawk li jfittxu asil li għandhom diżabilità jiġu detenuti fl-UE f'kundizzjonijiet li ma jipprovdux appoġġ xieraq u aġġustamenti raġonevoli; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tirranġa din is-sitwazzjoni billi toħroġ linji gwida lill-aġenziji tagħha u lill-Istati Membri li jiddikjaraw li d-detenzjoni restrittiva ta' persuni b'diżabilità fil-kuntest tal-migrazzjoni u t-tfittxija ta' asil mhijiex f'konformità mas-CRPD;

4.

Huwa partikolarment imħasseb dwar iż-żgħażagħ b'diżabilità u dawk li ilhom qiegħda għal perjodu itwal ta' żmien; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu favur l-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol bħala kwistjoni ta' prijorità, pereżempju bħala parti mill-programm Garanzija għaż-Żgħażagħ;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Strateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 komprensiva, ambizzjuża u fit-tul, li:

(a)

tinkludi oqsma ta' prijorità definiti b'mod ċar li jkopru d-dispożizzjonijiet kollha tas-CRPD u li jirriflettu l-kummenti ġenerali tal-Kumitat tas-CRPD, inklużi definizzjonijiet ta' termini ewlenin, b'mod partikolari definizzjoni komuni fil-livell tal-UE ta' “diżabilità”, fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE u li jindirizzaw l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tas-CRPD lill-UE adottati fl-2015;

(b)

tinkludi miri ambizzjużi, ċari u kalkolabbli, inkluża lista ta' azzjonijiet ippjanati b'perjodi ta' żmien ċari u b'riżorsi allokati fl-oqsma li ġejjin: l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni, il-moviment liberu u l-għajxien indipendenti, l-aċċessibilità, l-impjiegi u t-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kultura, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-azzjoni esterna, il-ħelsien mill-vjolenza u l-abbuż, l-integrazzjoni tad-diżabilità u s-sensibilizzazzjoni;

(c)

tinkludi perjodi ta' żmien u skedi ta' żmien fissi għall-implimentazzjoni;

(d)

tirrifletti d-diversità tal-persuni b'diżabilità u l-ħtiġijiet tagħhom, inklużi azzjonijiet immirati;

(e)

tintegra fil-politiki kollha u fl-oqsma kollha d-drittijiet tal-persuni kollha b'diżabilità,

(f)

tirrikonoxxi u tindirizza l-forom multipli u intersezzjonali ta' diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità,

(g)

tinkludi approċċ li jqis is-sitwazzjoni tat-tfal,

(h)

tissalvagwardja l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

(i)

tkun immirata għal persuni adulti b'diżabilità u tagħti attenzjoni speċjali lil dawk b'diżabilità intellettwali u l-futur tagħhom wara l-mewt ta' min ikun qed jieħu ħsiebhom;

(j)

tkun sostnuta b'mekkaniżmu ta' monitoraġġ adegwat u mogħni b'biżżejjed riżorsi u b'parametri referenzjarji u indikaturi ċari,

(k)

tiffaċilita l-konnessjonijiet bejn oqsma ta' politika differenti fil-livell tal-UE, u l-adattabilità tal-istrateġija għal oqsma ta' politika emerġenti u sfidi lil hinn mid-dispożizzjonijiet tas-CRPD, bħad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda, l-awtomatizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali;

(l)

tkun konsistenti ma' inizjattivi u strateġiji oħra tal-UE u tintegra s-segwitu għall-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-inizjattivi fil-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-pjan direzzjonali għal Ewropa Soċjali;

(m)

talloka baġit adegwat għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġija wara l-2020, inkluża l-allokazzjoni ta' baġit adegwat għall-Qafas tas-CRPD tal-UE, li jippromwovi, jipproteġi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tas-CRPD fi kwistjonijiet ta' kompetenzi tal-UE (jiġifieri fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki tal-UE u fl-amministrazzjoni pubblika tal-UE);

(n)

tippromwovi kollaborazzjoni mal-awtoritajiet, in-negozji, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili f'livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-Istrateġija wara l-2020;

(o)

tintegra l-aċċess ugwali għas-servizzi għall-persuni b'diżabilità, inkluż l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg, it-trasport pubbliku, l-akkomodazzjoni, il-kultura, l-isport u d-divertiment, u oqsma oħra, billi telimina l-ostakli għall-parteċipazzjoni soċjali, u billi tapplika l-prinċipji ta' disinn universali f'investimenti infrastrutturali u diġitali madwar l-UE;

(p)

tiżgura li l-promozzjoni u l-appoġġ effettivi tal-ekonomija soċjali jiġu inklużi fil-prijoritajiet tal-Istrateġija;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza bejn l-Istrateġija wara l-2020 u l-oqfsa mmirati għall-persuni b'mard kroniku, inklużi miżuri dwar l-attivazzjoni tal-impjiegi, peress li l-istrateġiji mmirati għal persuni b'diżabilità mhux neċessarjament jindirizzaw dejjem il-ħtiġijiet tagħhom;

7.

Jenfasizza l-importanza ta' definizzjoni u applikazzjoni olistiċi tal-aċċessibilità u l-valur tagħha bħala l-bażi sabiex il-persuni b'diżabilità biex jkollhom opportunitajiet indaqs, kif rikonoxxut fis-CRPD, u f'konformità mal-Kumment Ġenerali CRPD Nru 2, filwaqt li titqies id-diversità tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u l-promozzjoni ta' disinn universali bħala prinċipju tal-UE;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u jimmonitorjaw b'mod kontinwu l-leġiżlazzjoni kollha relatata mal-aċċessibilità, inklużi l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità (30), id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva,, il-Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet u d-Direttiva dwar l-Aċċessibilità tas-Siti Elettroniċi (31), kif ukoll ir-regolamenti rilevanti dwar it-trasport u d-drittijiet tal-passiġġieri; jinsisti li l-monitoraġġ għandu jsir mhux permezz ta' awtovalutazzjoni iżda minn entità indipendenti li tinkludi persuni b'diżabilità; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffaċilita l-implimentazzjoni u tistabbilixxi Bord Ewropew dwar l-Aċċessibilità biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċessibilità;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità bħala bażi għal qafas robust tal-UE għal ambjent aċċessibbli u inklużiv bi spazji pubbliċi, servizzi, inklużi s-servizzi tat-trasport, il-komunikazzjoni u s-servizzi finanzjarji, kif ukoll l-ambjent mibni, li jkunu kompletament aċċessibbli; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri biex tiġi evitata aktar diskriminazzjoni;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u għall-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri b'diżabilità, li jiffokaw fuq is-sikurezza u l-integrità kemm ta' ġisimhom kif ukoll tat-tagħmir tagħhom meta jiġu ttrasportati, u r-rikonoxximent tal-ħtieġa ta' seats żejda għal assistenti personali jew għal dawk il-persuni li jkollhom jimteddu;

11.

Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-obbligi kollha relatati mal-aċċessibilità tirrikjedi finanzjament suffiċjenti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment pubbliku sabiex jiżguraw l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità kemm għall-ambjent fiżiku kif ukoll għal dak diġitali;

12.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kundizzjonalità ex ante tal-akkwist pubbliku ta' xiri aċċessibbli qabel l-iffirmar ta' kuntratt pubbliku mhux qed tiġi implimentata biżżejjed fil-livell nazzjonali; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jinħoloq portal, b'mod simili għall-akkwist pubbliku ekoloġiku, li jkun fih il-linji gwida kollha dwar l-aċċessibilità;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-QĠUE dwar strateġiji ta' komunikazzjoni u aċċessibilità biex tiżgura li l-persuni b'diżabilità jista' jkollhom aċċess għas-sistema ġudizzjarja tal-UE;

14.

Jenfasizza li l-Istrateġija wara l-2020 għandha tkun ibbażata fuq rieżami trasversali u komprensiv tal-leġiżlazzjoni u l-politiki kollha tal-UE, sabiex tkun armonizzata għalkollox mad-dispożizzjonijiet tas-CRPD; jinsisti li għandu jkun fiha dikjarazzjoni tal-kompetenzi riveduta li tinkludi l-oqsma kollha ta' politika li fihom l-UE lleġiżlat jew adottat miżuri legali mhux vinkolanti li għandhom impatt fuq il-persuni b'diżabilità, u għandha tipproponi proposti leġiżlattivi b'miżuri ta' implimentazzjoni u monitoraġġ;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-inklużjoni ta' approċċ ibbażat fuq il-ġeneru u intersezzjonali biex tiġġieled il-forom multipli tad-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u l-bniet b'diżabilità; jinsisti li għandha tinġabar data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiġu identifikati l-forom ta' diskriminazzjoni multipla intersezzjonali li jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet b'diżabilità, fl-oqsma kollha koperti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u fejn rilevanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta kkonsolidata fi ħdan l-Istrateġija tad-Diżabilità wara l-2020 u tadotta miżuri effettivi għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal b'diżabilità u l-ġlieda kontriha, inklużi l-fastidju u l-abbuż sesswali, u li jkollhom fil-mira l-familji, il-komunitajiet, il-professjonisti u l-istituzzjonijiet; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex dan jagħmluh;

16.

Jitlob li l-Istrateġija wara l-2020 tiżviluppa struttura interistituzzjonali biex tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha bl-użu ta' proċeduri stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (32); jenfasizza li l-punti fokali dwar id-diżabilità għandhom ikunu preżenti fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE, fejn il-punt fokali ċentrali jkun jinsab fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-punti fokali tad-diżabilità għandhom ikunu appoġġjati b' mekkaniżmu interistituzzjonali xieraq biex tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tas-CRPD fl-istituzzjonijiet u fl-aġenziji tal-UE; jenfasizza li mekkaniżmu interistituzzjonali jeżisti biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li l-presidenti rispettivi tagħhom jiltaqgħu fil-bidu ta' kull mandat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istituzzjonijiet tal-UE, bħala amministrazzjonijiet pubbliċi, għandhom jikkonformaw mas-CRPD fl-aspetti kollha tagħha;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji l-Istrateġija wara l-2020 bl-involviment mill-qrib, sinifikanti u sistematiku ta' persuni b'diżabilità u tal-membri tal-familja u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u biex tiżgura li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, taħdem mill-qrib magħhom fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija wara l-2020; anki permezz ta' finanzjament u bini ta' kapaċità adegwati;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi rieżami tal-Istrateġija kull tliet snin, bi rwol definit b'mod ċar għall-Qafas tas-CRPD tal-UE u biex tinvolvi b'mod sistematiku u attiv il-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom (kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali) fit-tali rieżami;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tas-CRPD; jitlob, f'dan il-kuntest:

(a)

li tinġabar (b'salvagwardji stabbiliti legalment) data diżaggregata robusta, imqassma skont it-tip ta' diżabilità, l-età, il-ġeneru, u fatturi li huma rilevanti għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tas-CRPD u għall-indirizzar tal-ostakli li l-persuni b'diżabilità jħabbtu wiċċhom magħhom fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom;

(b)

li jiġu allokati riżorsi adegwati lill-qafas ta' monitoraġġ tas-CRPD tal-UE biex ikun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod indipendenti u xieraq;

(c)

mekkaniżmu flessibbli li kapaċi jipprovdi inċentivi għall-implimentazzjoni ottimali tas-CRPD, bħall-Access City Awards; jitlob li jkun hemm inizjattivi rilevanti fil-livell nazzjonali;

(d)

inizjattivi rilevanti f’livell nazzjonali;

20.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija wara l-2020 se tippromwovi b'mod partikolari aċċess garantit għall-impjiegi, u taħriġ vokazzjonali u dak professjonali, edukazzjoni inklużiva, servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità u ekonomikament aċċessibbli, servizzi diġitali u attivitajiet sportivi għall-persuni b'diżabilità, billi tiżgura, fost oħrajn, li jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli fuq il-post tax-xogħol, li l-persuni b'diżabilità jitħallsu daqs l-impjegati mingħajr diżabilità u li tiġi evitata u impedita l-possibilità ta' kwalunkwe tip ieħor ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar u/jew jimplimentaw aħjar miżuri li jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, u jagħmlu mod li l-persuni b'diżabilità li jaħdmu f'workshops protetti jiġu rikonoxxuti mil-liġi bħala ħaddiema u jiżguraw li jkunu intitolati għall-istess protezzjoni soċjali bħal ħaddiema oħra; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' oqfsa ta' kwalità għat-traineeships u tinkoraġġixxi u tiżviluppa opportunitajiet ta' taħriġ permezz ta' apprendistati għall-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-aħjar prattiki f'rapporti futuri sabiex tippermetti lil minn iħaddem jimplimenta b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni dwar id-diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi, tippromwovi u tipproteġi l-intrapriżi inklużivi sabiex toħloq impjiegi permanenti għall-persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-potenzjal tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li jiffaċilitaw l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol għall-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ immirat mill-Fond Soċjali Ewropew għall-ekonomija soċjali;

21.

Jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi żgurat livell għoli ta' servizzi u assistenza lill-persuni b'diżabilità; iqis, għalhekk, li huwa meħtieġ li jiġu definiti standards minimi fil-livell tal-UE sabiex jiġi garantit li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet kollha tal-persuni b'diżabilità;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-direttiva dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera biex tinġieb f'konformità mas-CRPD, sabiex ikun garantit l-aċċess għal kura tas-saħħa transfruntiera ekonomikament aċċessibbli u ta' kwalità għall-persuni b'diżabilitajiet;

23.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għal persuni b'diżabilità għal servizzi tas-saħħa li jkunu sensittivi għall-ġeneru, inklużi r-riabilitazzjoni relatata mas-saħħa u, fejn applikabbli, kura fit-tul;

24.

Iqis li n-nisa u l-bniet b'diżabilità għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-kura medika li tkun tlaħħaq mal-ħtiġijiet partikolari tagħhom, inkluża l-konsultazzjonijiet ġinekoloġiċi, eżamijiet mediċi, ippjanar tal-familja u appoġġ adattat għal matul it-tqala; iħeġġeġ lill-UE tqis dawn is-servizzi meta timplimenta l-Istrateġija wara l-2020;

25.

Jenfasizza li l-persuni torox-għomja jeħtieġu kura addizzjonali mogħtija minn professjonisti b'għarfien speċjalizzat u kwalifikat kif ukoll interpreti għat-torox-għomja; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-bastun abjad u aħmar bħala s-simbolu tal-persuni torox-għomja li jkunu mixjin sabiex il-persuni torox-għomja jkunu aktar viżibbli fit-traffiku;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-persuni mċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha minquxa fit-trattati u fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

27.

Jinnota b'dispjaċir li l-politiki Ewropej attwali dwar id-drittijiet tat-tfal ma jinkludux b'mod suffiċjenti strateġija globali bbażata fuq id-drittijiet għas-subien u l-bniet b'diżabilità, u lanqas ma fihom salvagwardji biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom, u li l-istrateġiji tad-diżabilità ma jindirizawhomx jew jintegrawhomx b'mod suffiċjenti;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-aċċess għas-servizzi u għad-drittijiet soċjali essenzjali għat-tfal vulnerabbli (b'mod speċifiku l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, in-nutrizzjoni u l-akkomodazzjoni);

29.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu mod li l-UE jkollha rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilità u jippromwovu r-ratifika tas-CRPD madwar id-dinja; jitlob lit-Task Force ta' esperti fuq l-ugwaljanza tal-Kummissjoni taħt is-superviżjoni tal-Kummissarju għall-Ugwaljanza tintegra d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità b'mod sistematiku fil-liġijiet, id-deċiżjonijiet, il-politiki u l-programmi rilevanti kollha tal-UE; iħeġġeġ l-integrazzjoni sħiħa tal-perspettiva tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fl-aspetti kollha tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, b'enfasi speċjali fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza, f'Erasmus+ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, il-Garanzija għat-Tfal, il-Green Paper dwar it-Tixjiħ li jmiss, fis-Semestru Ewropew u fil-politika barranija tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa ta' Garanzija għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità biex tgħin lill-persuni b'diżabilità biex isibu impjieg, traineeships, kollokamenti f'impjieg u edukazzjoni ulterjuri; ifakkar lill-Kummissjoni biex dan jiġi mmonitorjat ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji evalwazzjoni tal-isfidi u l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet li jesperjenzaw il-persuni b'diżabilità matul il-pandemija tal-COVID-19, il-miżuri adottati mill-Istati Membri b'rispons għall-pandemija, u l-lakuni u n-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' rkupru u mitigazzjoni rilevanti u speċifiċi fl-Istrateġija tad-Diżabilità wara l-2020 biex nuqqasijiet bħal dawn jingħelbu u jiġu evitati fil-futur; ifakkar li tali miżuri jridu jiġu żviluppati abbażi ta' konsultazzjonijiet ma' persuni b'diżabilità u l-membri tal-familja jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, kif ukoll in-netwerk tas-CRPD tal-Parlament Ewropew;

31.

Jitlob lit-Task Force ta' esperti tal-Kummissjoni jwaqqaf u jwettaq konsultazzjonijiet sistematiċi ma' persuni b'diżabilità u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom;

32.

Jenfasizza d-dritt li wieħed jgħix b'mod indipendenti u li jiġi inkluż fil-komunità huwa essenzjali għat-twettiq ta' ħafna mid-drittijiet l-oħra stabbiliti fis-CRPD, fosthom l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, l-awtonomija u l-libertà, il-kapaċità ġuridika u l-libertà ta' moviment;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv it-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali u/jew segregata għal appoġġ ibbażat fil-komunità, inkluża l-assistenza personali, u s-servizzi inklużivi (kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk imfassla għal bżonnijiet speċifiċi), fl-għodod u l-inizjattivi ta' politika kollha tal-UE; jitlob, ukoll, lill-Kummissjoni tiżgura li l-progress globali fid-deistituzzjonalizzazzjoni jiġi inkluż bħala indikatur fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali tal-UE;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni billi jaċċelleraw il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni f'perjodu ta' żmien speċifiku u jissostitwixxu t-teħid ta' deċiżjonijiet sostituttiv b'teħid ta' deċiżjonijiet appoġġjat; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li d-deistituzzjonalizzazzjoni qatt ma twassal għal sitwazzjoni fejn il-persuni b'diżabilità jispiċċaw bla dar minħabba nuqqas ta' akkommodazzjoni adegwata u/jew aċċessibbli;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni b'saħħitha dwar il-fatt li d-disponibilità globali tas-servizzi ġenerali bbażati fil-komunità (CBS) hija essenzjali għat-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-għajxien fil-komunità;

36.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-libertà tal-moviment għall-persuni b'diżabilità;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet fil-livell tal-UE biex tiżgura li l-persuni kollha b'diżabilità jkunu kapaċi jeżerċitaw il-libertà ta' moviment tagħhom u jgawdu l-libertà tal-moviment u tax-xogħol barra minn pajjiżhom fuq bażi ugwali mal-oħrajn;

38.

Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-użu tal-fondi tal-UE jkun konformi mas-CRPD u li l-fondi tal-UE ma jikkontribwux għall-kostruzzjoni jew għar-rinnovament ta' faċilitajiet tal-kura istituzzjonali jew strutturi ta' kwalunkwe tip ieħor li jistgħu faċilment isiru istituzzjoni, jew għall-proġetti li ma jinvolvux b'mod sinifikanti lill-persuni b'diżabilità, il-membri tal-familja u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u mhumiex investiti fi strutturi li mhumiex aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità;

39.

Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-użu tal-fondi tal-UE ma jikkontribwixxux għar-riċerka mhux etika, l-isterilizzazzjoni mhux volontarja u l-ksur tad-drittjiet riproduttivi ta' persuni b'diżabilità;

40.

Jitlob li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-persuni b'diżabilitajiet intellettwali u psikosoċjali jkunu partikolarment vulnerabbli għal approċċi u trattamenti sperimentali, li m'għandhomx bażi ta' evidenza xjentifika robusta u li jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti;

41.

Jinsisti li l-fondi tal-UE għandu jkollhom l-għan li jippromwovu ambjenti, servizzi, prattiki u apparati inklużivi u aċċessibbli, li jsegwu approċċ ta' disinn universali u li jiffavorixxu d-deistituzzjonalizzazzjoni, li jinkludu appoġġ qawwi għall-assistenza personali u l-għajxien indipendenti; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li jiżguraw li s-servizzi ta' assistenza ffinanzjati mill-fondi tal-UE jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità; jenfasizza li l-fondi għandhom jiġu investiti b'mod attiv fir-riċerka biex tiġi żviluppata teknoloġija ta' assistenza aħjar u aktar ekonomikament aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità; jitlob li jkun hemm kuntatt attiv ma' persuni b'diżabilità, mal-membri tal-familja u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom fil-programmi kollha ffinanzjati mill-UE;

42.

Jitlob lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina jekk l-opportunitajiet iffinanzjati mill-UE jilħqux lill-persuni b'diżabilità;

43.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti u l-infrastruttura kollha appoġġjati mill-fondi tal-UE f'pajjiżi terzi jkunu aċċessibbli għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità u li l-fondi tal-UE jinvestu fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-CRPD u l-bini ta' kapaċità tal-organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità;

44.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Istrateġija tal-UE u l-azzjonijiet tal-Istati Membri jkunu kompletament allinjati mal-SDGs u mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, bħala qafas globali ewlieni għal azzjoni favur is-sostenibilità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni, li tinkludi d-diżabilità bħala kwistjoni orizzontali fl-SDGs 4, 8, 10, 11 u 17;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-azzjoni esterna tagħha, tkun minn ta' quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-SDGs b'mod li tkun jinkludi lill-persuni b'diżabilità, indipendentement minn strateġija Ewropea ġdida tad-diżabilità, billi tadotta pjan direzzjonali ċar, trasparenti u inklużiv biex tilħaq l-għanijiet;

46.

Jilqa' d-direttiva adottata dan l-aħħar dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' liv ta' ħamest ijiem xogħol fis-sena għall-persuni li jindukraw; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-direttiva malajr u jinkoraġġihom biex imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fiha, anki billi jistabbilixxu d-dritt għal-liv tal-paternità imħallas u għal-liv imħallas għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw; iħeġġeġ lill-Istati Membri aktar arranġamenti għal-liv għall-persuni li jindukraw, għal-liv tal-paternità, għal-liv għall-ġenituri u arranġamenti tax-xogħol flessibbli li huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ġenituri f'sitwazzjonijiet partikolarment żvantaġġati, bħal dawk il-ġenituri b'diżabilità jew ġenituri ta' tfal b'diżabilità jew mard fit-tul; jitlob lill-Istati Membri kollha jiżguraw appoġġ suffiċjenti, kemm finanzjarju kif ukoll professjonali, għall-persuni li jieħdu ħsieb lill-membri tal-familja b'diżabilità li jgħixu fl-istess dar. jenfasizza li l-fatt li dawn jeħtiġilhom jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom ta' spiss ikollu impatt negattiv fuq il-familja u l-ħajja professjonali tagħhom u dan jista' jwassal għall-esklużjoni u d-diskriminazzjoni;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmi biex tikkoordina l-portabilità u l-adattabilità tal-benefiċċji u tas-servizzi għall-persuni b'diżabilità bejn l-Istati Membri u biex tespandi l-proġett pilota tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE għall-Istati Membri kollha, u testendih lil hinn mill-kultura u l-isport u tiżgura li l-karta għall-parkeġġ tal-UE għall-persuni b'diżabilità tkun osservata bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li tali miżuri huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità madwar l-UE jkollhom aċċess għall-appoġġ għad-diżabilità mingħajr il-ħtieġa ta' valutazzjonijiet separati f'kull Stat Membru; jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom ir-rikonoxximent ta' diżabilitajiet speċifiċi sabiex jiġu indirizzati u koperti l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom (bħal pereżempju l-persuni torox-għomja);

48.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-involviment strutturali ta' jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom ir-rikonoxximent ta' diżabilitajiet speċifiċipersuni b'diżabilità u l-membri tal-familja u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom fil-fażijiet kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u tiffinanzja l-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod strutturali fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattivi li jippromwovu l-awtopromozzjoni u l-parteċipazzjoni politika ta' persuni b'diżabilità, u jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-inizjattivi nazzjonali f'dan ir-rigward;

49.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi koordinazzjoni aħjar tas-servizzi ta' assistenza bejn l-Istati Membri u t-twaqqif ta' punti ta' kuntatt fl-Istati Membri kollha biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE b'diżabilità dwar id-drittijiet soċjali tagħhom u s-servizzi ta' assistenza li huma intitolati għalihom;

50.

Jitlob lill-Kummissjoni toħloq, f'kooperazzjoni mas-settur privat, portal wieħed li jiġbor l-istrumenti kollha intiżi sabiex jipprovdu parteċipazzjoni soċjali ottimali tal-persuni b'diżabilità;

51.

Ifakkar fid-dritt li għandhom il-persuni b'diżabilità għal livell adegwat ta' għajxien u protezzjoni soċjali, b'mod partikolari għal assistenza finanzjarja u kura ta' serħan; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità għall-2030 tinkludi azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali inklużivi fl-UE kollha li jkunu jiggarantixxu lill-persuni b'diżabilità l-aċċess għall-benefiċċji u s-servizzi tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu livell minimu ta' protezzjoni soċjali għall-persuni b'diżabilità li jiżguralhom standard ta' għajxien adegwat;

52.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibnu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali (33) u l-proposta għal regolament dwar il-Koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali (COM(2016)0815), biex iċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jaċċedu s-servizzi ta' assistenza soċjali madwar l-UE, b'mod konformi ma' rakkomandazzjoni mill-Kumitat CRPD;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanja komprensiva li tinvolvi persuni b'diżabilità, il-membri tal-familja u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, li tkun disponibbli f'formati aċċessibbli, inkluża verżjoni li tinqara faċilment, u f'lingwi tas-sinjali nazzjonali sabiex titqajjem kuxjenza dwar is-CRPD, id-drittijiet u l-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità u l-ostakli li jiffaċċjaw fost persuni b'diżabilità, dawk li jġorru d-dmirijiet u s-soċjetà b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu, jikkoordinaw u joħolqu materjal edukattiv li jista' jintuża fl-Istati Membri, bil-għan li jippromwovu attitudnijiet pożittivi dwar il-persuni b'diżabilità u biex itejbu l-inklużjoni tagħhom;

54.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiffinanzjaw taħriġ għal u minn persuni b'diżabilità, l-organizzazzjonijiet tagħhom, it-trejdjunjins, il-federazzjonijiet ta' min iħaddem, il-korpi tal-ugwaljanza u l-impjegati taċ-ċivil dwar il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, inklużi d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali u l-akkomodazzjoni raġonevoli;

55.

Jitlob lill-Istati Membri kollha jappoġġjaw u jżidu l-prestiġju tal-ħidma soċjali (jiġifieri ħaddiema soċjali u persuni li jaħdmu fis-servizzi soċjali);

56.

Jitlob lill-Kummissjoni toħloq mekkaniżmu ċar ta' responsabilità, kontroll u sanzjonijiet għall-istrateġiji;

57.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jindirizzaw b'mod urġenti l-kwistjoni ta' persuni mingħajr dar billi jadottaw strateġiji fit-tul u bbażati fuq akkomodazzjoni, strateġiji integrati ta' persuni mingħajr dar f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonoxxu r-riskji partikolari li jesperjenzaw il-persuni b'diżabilità, inklużi dawk li jinsabu fl-ispettru tal-awtiżmu;

58.

Jistieden lill-Istati Membri jaffermaw l-impenn tagħhom favur il-promozzjoni, il-protezzjoni u l-iżgurar tat-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha minn kull persuna b'diżabilità, inkluż id-dritt ta' moviment liberu u residenza u d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 12 tas-CRPD, u biex jiżguraw ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom billi jimplimentaw u jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-istrateġija wara l-2020 bl-involviment sinifikanti tal-persuni b'diżabilità u tal-membri tal-familja jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE, dak nazzjonali, reġjonali u lokali u jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati u suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha;

59.

Jitlob lill-Istati Membri kollha jiżviluppaw strateġiji nazzjonali tad-diżabilità għalihom infushom għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza tal-persuni b'diżabilità u jindirizzaw l-implimentazzjoni tas-CRPD;

60.

Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali li jqisu l-aħjar prattiki minn Stati Membri oħra biex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tas-CRPD;

61.

Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv għas-CRPD;

62.

Jitlob lill-Istati Membri kollha jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità;

63.

Jitlob lill-Istati Membri jirrapportaw dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali magħmula mill-Kumitat dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, wara l-evalwazzjoni tagħhom tal-implimentazzjoni tas-CRPD;

64.

Jenfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim kemm jista' jkun malajr; jitlob lill-Kunsill jissupera l-perjodu ta' staġnar, sabiex isir progress għal soluzzjoni pragmatika u titħaffef, mingħajr aktar dewmien l-adozzjoni tad-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni tal-UE proposta mill-Kummissjoni fl-2008 u sussegwentement approvata mill-Parlament; iqis id-direttiva bħala prekundizzjoni biex jiġi żgurat qafas legali tal-UE konsolidat u konsistenti li jipproteġi lin-nies mid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali barra mid-dinja tax-xogħol; jinnota li l-ebda restrizzjoni indebita tal-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva m'għandha tiġi aċċettata; iqis li l-konsolidazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda hija wkoll element kruċjali, meta jitqies li reati simili huma wkoll prevalenti fl-ambjent tax-xogħol;

65.

Jirrakkomanda li l-UE tintegra strutturalment l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

66.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, biex iqassamha lill-parlamenti u lill-kunsilli sottonazzjonali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(2)  ĠU C 340, 15.12.2010, p. 11.

(3)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.

(4)  ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.

(5)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.

(6)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(7)  ĠU C 204, 13.6.2018, p. 179.

(8)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

(9)  ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.

(10)  Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

(11)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 110.

(12)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 138.

(13)  ĠU C 353, 27.9.2016, p. 41.

(14)  ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.

(15)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.

(16)  ĠU C 187, 18.7.1988, p. 236.

(17)  ĠU C 379, 7.12.1998, p. 66.

(18)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 68.

(19)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(20)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(21)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(22)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(23)  Dan in-numru jinkludi 99 miljun persuna skont l-istħarriġ EU-SILC tal-2016 u 1 miljun persuna stmati li huma segregati f'istituzzjonijiet residenzjali u għalhekk mhux rappreżentati fl-istħarriġ.

(24)  Is-sentenzi tal-11 ta' April 2013 fil-Kawżi Konġunti C-335/11 u C-337/11, il-paragrafi 29-30; tat-18 ta' Marzu 2014 fil-Kawża C-363/12, paragrafu 73; u tat-22 ta' Mejju 2014 fil-Kawża C-356/12.

(25)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Functional_and_activity_limitations_statistics

(26)  Eurofound (2019), How to respond to chronic health problems in the workplace? Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(27)  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/DDN-20191029-2

(28)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(29)  Proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2019 għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill (COM(2019)0653).

(30)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.

(31)  ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.

(32)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(33)  ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/22


P9_TA(2020)0158

Politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019 (2019/2131(INI))

(2021/C 362/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari mill-Artikolu 101 sal-Artikolu 109 tiegħu,

wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018 (COM(2019)0339) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (1),

wara li kkunsidra l-ittra tal-missjoni tal-10 ta' Settembru 2019 tal-President elett Ursula von der Leyen lil Margrethe Vestager,

wara li kkunsidra t-tweġibiet orali u bil-miktub tal-Kummissarju nnominat Margrethe Vestager waqt is-seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2019,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (2) ,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (4);

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018,

wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' April 2019 tal-esperti ta' livell għoli tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali,

wara li kkunsidra l-Opinjoni Preliminari tas-26 ta' Marzu 2014 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar “Il-privatezza u l-kompetittività fl-era tal-big data: L-interazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Ekonomija Diġitali” u l-Opinjoni 8/2016 tat-23 ta' Settembru 2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar “L-infurzar koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-era tal-big data”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-29 ta’ Awwissu 2018 mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-impatti tal-konċentrazzjoni ekonomika fuq il-protezzjoni tad-data,

wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta' Frar 2020 mibgħuta lill-Kummissarju Margrethe Vestager mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja, kif ukoll il-kontribut konġunt tal-Awstrija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja abbozzat bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra l-proposta tal-4 ta' Lulju 2019 ta' Franza, il-Ġermanja u l-Polonja bit-titlu “Pour une politique européenne de la concurrence modernisée” (Politika Ewropea mmodernizzata fil-qasam tal-kompetizzjoni),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) bit-titlu “The Role of Competition Policy in Protecting Consumers' Wellbeing in the Digital Era” (ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fil-ħarsien tal-benessri tal-konsumaturi fl-era diġitali),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2019 li testendi seba' settijiet ta' regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (l-inizjattiva tal-modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020) sal-aħħar tal-2022 u biex sadanittant tniedi evalwazzjonijiet,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu u s-27 ta' Mejju 2019,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2018 maħruġa minn 18-il Stat Membru waqt is-6 laqgħa ministerjali tal-“Ħbieb tal-Industrija”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta' Interess Komuni Ewropew bit-titlu “Strengthening strategic value chains for a future-ready EU industry” (It-tisħiħ tal-ktajjen ta' valur strateġiċi għal industrija tal-UE lesta għall-futur),

wara li kkunsidra r-reviżjoni li għaddejja bħalissa dwar il-linji gwida relatati mal-kooperazzjoni orizzontali,

wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolamenti orizzontali ta' eżenzjoni ta' kategorija,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2019 bit-titlu “Lejn qafas legali Ewropew adatt għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0022/2020),

A.

billi l-kompetizzjoni u l-infurzar effettiv tal-politika tal-kompetizzjoni għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE, speċjalment dawk f'pożizzjoni dgħajfa bħala konsumaturi, filwaqt li jippromwovu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fost in-negozji li joperaw fis-suq uniku, b'mod partikolari billi jiżguraw li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ikollhom l-opportunità li jikkompetu fuq bażi ekwa;

B.

billi l-politika tal-kompetizzjoni trid tiġi adattata biex tindirizza l-isfidi diġitali, ekoloġiċi, ġeopolitiċi, industrijali u soċjali, u trid tkun konformi mal-prijoritajiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha bħala l-pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE, filwaqt li tqis l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;

C.

billi l-kooperazzjoni globali fl-infurzar fil-qasam tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fir-rimedji u fl-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar, u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż li jġarrbu biex ikunu konformi;

D.

billi fi swieq diġitali li jinbidlu malajr, il-politika tal-kompetizzjoni tista' f'xi każijiet tkun wisq kajmana u għalhekk ikun hemm ir-riskju li ma tkunx effettiva meta tiġi biex tirrimedja n-nuqqasijiet sistemiċi tas-suq u tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni; billi r-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ ex ante komplementari jistgħu jkunu ta' benefiċċju biex tiġi żgurata sorveljanza aktar effettiva;

E.

billi l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni għandhom ikunu daqstant attenti sabiex jevitaw li jkun hemm infurzar insuffiċjenti fis-swieq diġitali daqskemm huma attenti li ma jkunx hemm infurzar żejjed;

F.

billi l-objettiv ewlieni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE huwa li tipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni sabiex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern u jiġu protetti l-konsumaturi;

G.

billi, minħabba li l-iskandli tad-data, l-investigazzjonijiet u l-evidenza riċenti wrew kif id-data personali qed tinġabar, tintuża u tinbiegħ lil partijiet terzi minn pjattaformi, u wrew kif l-atturi u l-pjattaformi tat-teknoloġija dominanti kienu qed jittraċċaw lill-konsumaturi online b'mod sistematiku;

Ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fis-swieq globalizzati

1.

Jirrimarka li f'dinja globalizzata, il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar l-influwenza tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fid-dinja, b'mod partikolari billi tissokta bid-djalogu pertinenti u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mal-Ġappun u ma' pajjiżi terzi oħrajn, fejn ikun possibbli permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni li jippermettu li jsir skambju aktar effettiv tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex dejjem l-inklużjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (li jkopru wkoll l-għajnuna mill-Istat) fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE (FTAs) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), sabiex jiġi żgurat ir-rispett reċiproku għall-kompetizzjoni ġusta; jinnota b'dispjaċir l-effett negattiv tal-paraliżi fi ħdan il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fuq il-Kummissjoni;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod biex tiffaċilita l-monitoraġġ aħjar tal-investiment dirett barrani (FDI) u tiżgura implimentazzjoni rapida tal-mekkaniżmu ta' skrinjar għall-FDIs u tipproponi għodda biex issaħħaħ il-mekkaniżmu attwali, filwaqt li tiżgura li l-Unjoni Ewropea tibqa' miftuħa u attraenti għall-FDI; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-kumpaniji f'pajjiżi terzi jibbenefikaw minn trattament favorevoli fis-suq domestiku tagħhom, li jista' jfixkel il-kompetizzjoni fejn jidħol l-investiment fis-suq uniku;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura r-reċiproċità mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-politika tal-investiment, inkluż li tqis id-dumping soċjali u ambjentali; ifakkar fil-ħtieġa li jinfetħu s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi li għalihom għadu ma jeżistix aċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem favur l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi importanti, bħaċ-Ċina, għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi, b'offerta inizjali aċċettabbli; jenfasizza li kwalunkwe strument li għandu l-għan li jtejjeb il-ftuħ tas-suq internazzjonali, bħall-Istrument għall-Akkwist Internazzjonali tal-UE, li għandu jiġi ffinalizzat sal-2021, irid jevita li joħloq burokrazija addizzjonali u distorsjonijiet ġodda fis-suq li jkollhom effetti negattivi fuq il-kumpaniji tal-UE;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara t-tluq tiegħu mill-UE sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni u jiġi evitat id-dumping;

5.

Jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Proġetti Importanti ta' Interess Komuni Ewropew (IPCEI) bħall-Alleanza Ewropea tal-Batteriji; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar lill-IPCEIs maġġuri fit-teknoloġiji fixkiela, tissimplifika d-dispożizzjonijiet rilevanti u tirrazzjonalizza r-rekwiżiti tagħha sabiex proġetti ta' riċerka industrijali iżgħar ikunu kkunsidrati wkoll;

6.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-Kummissjoni tapplika l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat b'mod ugwali għall-operaturi tal-UE u ta' pajjiżi terzi biex jiġu evitati l-asimmetriji mal-kompetituri barranin, u biex tagħti aktar attenzjoni lill-kumpaniji statali barranin li huma ssussidjati mill-gvernijiet tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposta riċenti tal-Gvern Netherlandiż u tinvestiga l-għażla li jiżdied pilastru mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li jagħti lill-Kummissjoni għodod investigattivi xierqa f'każijiet fejn kumpanija titqies li tkun ġabet ruħha b'imġiba distorsiva minħabba s-sussidji li tirċievi mill-gvern jew li tkun għamlet profitti eċċessivi abbażi ta' pożizzjoni dominanti fis-suq fil-pajjiż ta' oriġini tagħha (pereżempju billi jiġu introdotti kontrolli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq il-kumpaniji minn pajjiżi terzi fir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku);

7.

Itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni teżamina jekk jistgħux jinħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mill-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, speċjalment bejn l-SMEs u l-korporazzjonijiet multinazzjonali;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar favorevoli għal politika industrijali b'saħħitha tal-UE biex tiżgura u tmantni kompetittività għolja fis-swieq globali; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-UE ta' interess strateġiku u jneħħu t-tfixkil u l-ostakli biex iħallu li jitfaċċaw mexxejja tal-UE innovattivi f'setturi ta' prijorità speċifiċi għall-UE, filwaqt li jirrispettaw l-applikazzjoni indipendenti tar-regoli tal-kompetizzjoni li jissalvagwardjaw kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwi; tiċċara li dan l-approċċ m'għandux ikun ta' detriment għall-SMEs u għall-interessi tal-konsumaturi, u għandu jiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u industrija tad-data tal-UE u infrastruttura diġitali kompetittivi, bħall-iżvilupp tat-teknoloġija 5G;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità tar-reviżjoni tal-linji gwida dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali biex toħloq qafas aktar flessibbli u żżid iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika aktar fil-waqt opportun u b'mod aktar effiċjenti mad-detenturi ta' proġetti ta' kooperazzjoni ta' ċertu daqs, u tippermetti l-possibbiltà li jitressqu mistoqsijiet ġodda bħala parti minn proċedura ta' notifika volontarja rapida;

10.

Jilqa' l-impenn meħud mill-Kummissjoni fl-avviż tagħha tad-9 ta' Diċembru 1997 (5) li tirrieżamina d-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti sabiex titqies viżjoni aktar fit-tul li tinkludi d-dimensjoni globali, id-diġitalizzazzjoni u l-kompetizzjoni futura potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq prinċipji ekonomiċi u legali b'saħħithom fl-investigazzjonijiet tagħha, billi ssegwi l-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-proċess ġust, meta teżamina tipi ta' swieq ġodda;

11.

Jenfasizza li l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali f'sistema ta' kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli li tissalvagwardja l-ambitu tal-politika tal-istati hija essenzjali għall-Ewropa, inkluż għall-kumpaniji Ewropej u b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll għall-ħaddiema u l-konsumaturi; jikkunsidra li dan jikkontribwixxi biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, biex ikun żgurat ambjent stabbli u prevedibbli li jfittex titjib fil-kompetittività u r-reċiproċità, jassigura l-impjiegi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda fl-UE u f'pajjiżi terzi, u jiżgura standards ambjentali u ta' xogħol għoljin, billi għadd dejjem ikbar ta' impjiegi qed jiddependu fuq il-ktajjen ta' valur globali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' aktar trasparenza, sostenibbiltà u responsabbiltà korporattiva fi ktajjen ta' valur globali, u jistieden lill-UE tikkunsidra, fost miżuri oħra, l-istabbiliment ta' qafas legali għal diliġenza dovuta obbligatorja fil-ktajjen ta' valur globali bħala pass neċessarju biex dan jintlaħaq;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tad-dibattitu li qed jikber, tirrikonċilja r-regoli tal-kompetizzjoni, il-politika industrijali u l-kummerċ internazzjonali tal-UE, li jridu jimxu id f'id mas-sostenibbiltà u r-rispett għall-ambjent; jissottolinja l-ħtieġa speċifika tal-finanzjament tar-riċerka bħala l-bażi tal-innovazzjoni u l-iżvilupp għan-negozji Ewropej u bħala element ewlieni biex tingħata spinta lill-kummerċ u lill-kompetittività;

13.

Jissottolinja li l-SMEs għandhom rwol importanti ħafna fil-kummerċ internazzjonali, u huma responsabbli għal madwar 30 % tal-prodotti esportati mill-UE lejn il-bqija tad-dinja (6); iqis li s-suq intern għadu, bil-bosta, l-aktar suq importanti għall-SMEs; ifakkar li, sabiex l-SMEs jiġu megħjuna jlaħħqu ma' sfidi dejjem akbar biex jidħlu fi swieq ġodda u jkunu jistgħu jikkompetu fuq il-merti tagħhom stess, il-politika kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tikkontribwixxi għad-diversità ekonomika u għal ambjent kummerċjali favorevoli għall-SMEs, u dan għandu jinkludi li tiġi kkunsidrata l-modernizzazzjoni tad-definizzjoni ta' SMEs tal-UE, b'mod partikolari billi jiżdiedu kriterji kwalitattivi;

14.

Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa, inkluż il-Korp tal-Appell tagħha, biex taġġorna u tagħmel effettivament infurzabbli r-regoli multilaterali dwar sussidji jew inizjattivi settorjali, sabiex tindirizza b'mod adegwat il-kwistjoni tas-sussidji fil-livell internazzjonali, b'referenza partikolari għas-sussidji industrijali, l-intrapriżi tal-istat u t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, u taġixxi biex tiġġieled il-politiki u l-prattiki mhux orjentati lejn is-suq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod sħiħ lill-Parlament u lill-Istati Membri f'dan il-qasam;

15.

Jisħaq li l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali huwa importanti biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u standards ambjentali u soċjali; jilqa', f'din il-perspettiva, l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fir-riforma tal-miżuri antisussidji u antidumping; iqis li l-inklużjoni possibbli ta' standards ewlenin preċiżi u ġustizzjabbli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) skont il-liġi tad-WTO tista' tiġi esplorata wkoll fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa u sabiex tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi globali;

16.

Jilqa', f'dan il-kuntest, in-negozjati plurilaterali tad-WTO li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku, u jappella għal sett komprensiv u ambizzjuż ta' regoli li jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ diġitali, jiżguraw li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu mad-dinja kollha f'kundizzjonijiet ekwi, u jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent online mingħajr detriment għall-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-UE għandha tieħu rwol ewlieni f'dawn in-negozjati internazzjonali, b'konsultazzjonijiet mill-qrib li jinvolvu lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili;

17.

Jikkunsidra li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun soġġett għall-konformità mal-istandards sanitarji, fitosanitarji u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni tal-UE ma tkunx timmina r-rispett tal-istandards soċjali u ekoloġiċi tal-UE jew l-iżvilupp ta' standards aktar ambizzjużi;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza u tistudja kif xieraq is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi li magħhom għandha ftehim ta' kummerċ ħieles jew qed tinnegozja wieħed, sabiex tinnegozja l-aħjar kundizzjonijiet ta' aċċess għall-kumpaniji Ewropej;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni meħtieġa mid-Direttorati Ġenerali involuti – DĠ Kummerċ u DĠ Kompetizzjoni – biex tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji Ewropej fis-swieq ta' pajjiżi terzi, u viċeversa;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-rwol tal-iffissar tal-istandards internazzjonali għall-kompetizzjoni ġusta; jinsisti li l-UE għandha ssaħħaħ l-approċċ multilaterali tagħha għall-iffissar tal-istandards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC); iwissi kontra n-nazzjonalizzazzjoni ta' approċċi li jiffissaw standards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Inizjattiva “Belt and Road” taċ-Ċina u strateġiji oħrajn li jsaħħu l-konnettività; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi koordinatur ta' livell għoli għall-politika tal-istandardizzazzjoni f'dan il-kuntest;

21.

Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva bbażata fuq il-ġeneri kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f'dak bilaterali, inklużi l-kapitli dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u t-tfassil ta' miżuri sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri (eż. l-iżgurar li kemm il-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante kif ukoll dawk ex post jinkludu l-impatt fuq il-ġeneri tal-politika kummerċjali u l-ftehimiet tal-UE), sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u jiġi promoss tkabbir ekonomiku inklużiv;

L-adattament tal-kompetizzjoni għall-era diġitali

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet u ssaħħaħ l-azzjoni tal-antitrust, u tqis l-effetti tas-saħħa fis-suq u tan-netwerk assoċjati kemm mad-data personali kif ukoll finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tiġġudika l-kontroll ta' tali data bħala indikatur tal-eżistenza tas-saħħa fis-suq skont il-gwida tagħha dwar l-Artikolu 102 tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni titgħallem mill-fużjoni bejn Facebook u WhatsApp u tadatta l-kriterji tagħha konsegwentement; jipproponi, għalhekk, li kull fużjoni fis-suq ta' tali data għandha tkun soġġetta għal dikjarazzjoni informali minn qabel;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-kunċett ta' “abbuż minn pożizzjoni dominanti” u d-duttrina tal-“faċilitajiet essenzjali” biex tiżgura li jkunu adatti għall-iskop tagħhom fl-era diġitali; jissuġġerixxi analiżi usa' tas-saħħa fis-suq b'rabta mal-effetti ta' konglomerat u ta' gwardjan biex jiġi miġġieled l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta' operaturi kbar u n-nuqqas ta' interoperabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tiġi riflessa l-evoluzzjoni tal-ekonomija diġitali, inkluża n-natura multilaterali tagħha;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-livelli minimi għal rieżami dwar il-fużjonijiet sabiex tinkludi fatturi bħall-għadd ta' konsumaturi affettwati u l-valur tat-tranżazzjonijiet relatati bħala parti mill-evalwazzjoni kontinwa tagħha tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet (7);

25.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-livelli ogħla tal-konċentrazzjoni dovuti għal sjieda orizzontali minn kumpaniji kbar tal-ġestjoni tal-assi fl-evalwazzjoni kontinwa tagħha tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet u tikkunsidra li tipprovdi linji gwida dwar l-użu tal-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 tat-TFUE f'dan ir-rigward;

26.

Jinnota li f'diversi swieq speċifiċi għad-data finanzjarja (pereżempju l-kummerċ tal-ekwitajiet, il-klassifikazzjonijiet u l-parametri referenzjarji), il-konċentrazzjoni oligopolistika tista' twassal għal każijiet ta' abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti minn fornituri fil-konfront ta' investituri u konsumaturi tad-data finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ddeterminata kontra tali abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti li jagħmlu ħsara lill-fluwidità tas-swieq finanzjarji u li jmorru kontra l-interessi tal-iżvilupp sostenibbli;

27.

Jenfasizza li, filwaqt li għadd ta' negozji ġodda jinħolqu bit-tama li jiġu akkwiżiti minn ditta akbar, l-akkwiżizzjoni tan-negozji ġodda minn atturi dominanti, inklużi l-kumpaniji u l-pjattaformi kbar tat-teknoloġija, tista' toħnoq l-innovazzjoni u thedded is-sovranità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeżaminaw il-prattiki ta' dawn l-akkwiżizzjonijiet u l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, speċjalment fir-rigward tal-“akkwiżizzjonijiet qattiela”, kif definit fir-rapport ta' esperti ta' livell għoli tagħha tal-4 ta' April 2019 intitolat “Il-Politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali”; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova skont l-Att dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni Ġermaniża (“GWB Digitalisierungsgesetz”), ippubblikat f'Ottubru 2019;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif jistgħu jiġu imposti reġimi aktar esiġenti ta' aċċess għad-data, inkluża l-interoperabbiltà tad-data, b'mod partikolari meta l-aċċess għad-data jiftaħ swieq sekondarji għal servizzi komplementari jew meta d-data tkun limitata għad-ditti dominanti;

29.

Jenfasizza li xi entitajiet li jibbenefikaw mill-istatus doppju ta' pjattaformi u fornituri, jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u jimponu termini u kundizzjonijiet inġusti fuq il-kompetituri, irrispettivament jekk ikunux attivi online jew offline; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni tal-awtopreferenzjar u tinforza l-liġijiet neċessarji u tuża l-istrumenti meħtieġa fuq dawk l-entitajiet li jipprattikaw l-awtopreferenzjar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li timponi obbligi regolatorji ex ante meta l-liġi tal-kompetizzjoni ma tkunx biżżejjed biex tiżgura l-kontestabbiltà f'dawn is-swieq, biex għalhekk tiġi evitata l-esklużjoni tal-kompetituri u jiġi żgurat li l-punti ta' konġestjoni emerġenti ma jiġux ipperpetwati mill-monopolizzazzjoni ta' innovazzjoni futura;

30.

Jinnota li l-Kummissjoni qed tirrifletti dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni ex ante mmirata dwar kwistjonijiet sistemiċi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu fi swieq diġitali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tintroduċi sistema ċentralizzata ta' monitoraġġ tas-suq ex ante (filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt), sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u regolatorji nazzjonali u tal-UE l-mezzi meħtieġa biex jiġbru data b'mod anonimu, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-fallimenti tas-swieq fil-mument dovut, u – fejn ikun xieraq – tintroduċi regolamentazzjoni mmirata meta l-prattiki jsiru sistemiċi;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tidentifika l-atturi diġitali ewlenin u tistabbilixxi sett ta' indikaturi biex tiddefinixxi n-natura sistemika tagħhom; jenfasizza li jistgħu jitqiesu l-indikaturi li ġejjin: l-abbuż ta' prattiki ta' ċerti netwerks estensivi, il-kontroll ta' volum sinifikanti ta' data mhux replikabbli, sitwazzjoni inevitabbli f'suq multidimensjonali jew il-kapaċità tal-operaturi li jiddefinixxu huma stess ir-regoli tas-suq;

32.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-akkwiżizzjonijiet minn monopolji barranin ta' operaturi diġitali ta' data, inkluża data dwar is-saħħa, data finanzjarja u data edukattiva, u għar-riskji ta' privatezza involuti, li jmorru lil hinn mill-effetti diġà ta' ħsara tat-tranżazzjonijiet ta' dan it-tip fuq il-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawk l-aspetti fir-rigward tal-istrateġija futura Ewropea dwar id-data u tinvestiga l-użu trasversali tad-data, fejn id-data li toriġina minn servizz wieħed tintuża biex il-pjattaforma tespandi dak li toffri lejn servizzi ġodda;

33.

Jilqa' l-istrateġija Ewropea tad-data tal-Kummissjoni ppreżentata fid-19 ta' Frar 2020, li għandha l-għan li ttejjeb l-użu tad-data għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tan-negozji; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tilleġiżla dwar l-użu u l-aċċess tad-data; jissottolinja l-importanza li tiġi protetta d-data personali tal-konsumaturi u kif din tiġi kondiviża sabiex jiżdiedu s-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumatur; jenfasizza li l-konsumaturi jeħtiġilhom jiġu assigurati li d-data tagħhom tibqa' sikura, u li l-kooperazzjoni kollha dwar is-sikurezza tad-data għaldaqstant teħtieġ li tingħata prijorità; jenfasizza li klawsola dwar il fatt li d-data personali ma tistax tinbiegħ lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data kkonċernat għandha wkoll tifforma element ewlieni tal-istrateġija;

34.

Jissottolinja li, filwaqt li l-pjattaformi ta' intermedjazzjoni għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta' aċċess għas-servizzi online għall-konsumaturi, xi wħud jabbużaw mill-pożizzjoni privileġġjata tagħhom billi jagħmluha ta' gwardjani, inkluż f'ekosistemi magħluqa u f'postijiet tas-suq online; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni espliċita lil dawn il-gwardjani fil-politika tal-kompetizzjoni tagħha u tikkonkludi l-investigazzjonijiet li qed tagħmel mill-aktar fis possibbli;

35.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-libertà tal-għażla għall-konsumaturi, issaħħaħ ir-rwol tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) u twettaq studju dwar jekk hemmx ħtieġa għal awtorità tal-konsumaturi fl-UE; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-politika tal-kompetizzjoni ma tinvolvix biss li jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-konsumaturi iżda wkoll li tipprovdi kwalità, varjetà u innovazzjoni;

36.

Jenfasizza li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li jkollha sistema ta' pagamenti pan-Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi li jissodisfaw dan l-objettiv, u tirrikonoxxi li s-suċċess tagħhom jiddependi kemm fuq in-natura innovattiva tas-sistema għall-konsumaturi u għan-negozji kif ukoll fuq il-vijabbiltà tal-mudell ekonomiku tagħha;

L-effikaċja tal-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni

37.

Jenfasizza li l-multi jista' jkollhom impatt fuq ir-reputazzjoni tal-kumpaniji ppenalizzati; jirrimarka, madankollu, li anke meta jiġu imposti multi kbar, ħafna drabi dawn ma jkunux ta' deterrent biżżejjed u jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu mgħoddija lill-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu wkoll minn rimedji alternattivi ta' mġiba u, jekk ikun hemm bżonn, rimedji strutturali, sabiex tiżgura bis-sħiħ l-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza li l-ordni ta' waqfien u ebda tkomplija għandha tkun ħafna aktar preskrittiva fir-rimedji futuri;

38.

Ifakkar li l-abbuż tas-setgħa tas-suq jista' jseħħ anke meta l-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti bla ħlas; jemmen li l-għoti ta' data privata lil partijiet terzi għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew kummerċjali ta' spiss isir mingħajr il-kunsens xieraq tal-konsumatur, peress li sikwit ma jiġux ipprovduti alternattivi għall-iskambju tad-data; iqis li fl-ekonomija diġitali, il-konċentrazzjoni tad-data f'għadd żgħir ta' kumpaniji twassal għal fallimenti tas-suq, estrazzjoni eċċessiva tar-redditu u mblukkar ta' parteċipanti ġodda;

39.

Ifakkar li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar tal-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq uniku diġitali; jiddispjaċih li magna tat-tiftix partikolari li għandha aktar minn 92 % tas-sehem tas-suq fis-suq tat-tiftix online fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri saret gwardjan tal-Internet; jappella sabiex l-input mill-partijiet interessati kollha, li jkopri l-aħħar 9 snin tal-istorja tal-antitrust, jintuża biex jiġi vvalutat b'urġenza jekk ir-rimedji proposti humiex verament ta' benefiċċju għall-konsumaturi, għall-utenti tal-internet u għan-negozji online fuq żmien fit-tul; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta mmirata lejn is-separazzjoni tal-magni tat-tiftix mis-servizzi kummerċjali tagħhom – kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (8) – sabiex jintemm l-istatus quo, li jista' jkun mezz fit-tul potenzjali biex tinkiseb kompetizzjoni ġusta u effettiva fis-suq diġitali Ewropew;

40.

Jenfasizza d-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-antitrust, bħall-każ ta' Google Shopping, meta mqabbla mal-pass mgħaġġel li bih qed jiżviluppaw is-swieq diġitali; jenfasizza l-effett dannuż li jirriżulta minn din is-sitwazzjoni u r-riskji finanzjarji u strutturali li għalihom jesponu ruħhom xi atturi meta jibdew proċeduri twal u għaljin; jenfasizza li l-proċess dovut irid jiġi rrispettat, iżda jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn proċeduri rapidi ta' antitrust u ssib inċentivi ġodda, bħall-programm ta' klemenza, biex il-kumpaniji jsiru aktar kooperattivi fl-identifikazzjoni tal-kartelli fl-UE;

41.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata ħarsa regolari lejn il-possibbiltà li jintużaw miżuri interim biex titwaqqaf kwalunkwe prattika li tkun ta' ħsara serja għall-kompetizzjoni; jappella lill-Kummissjoni tissimplifika l-kriterji għal dawn il-miżuri, filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt, sabiex tiġi evitata ħsara irriversibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Avviż dwar ir-Rimedji (9) billi tqis l-iżviluppi u l-evoluzzjoni tas-settur diġitali f'dawn l-aħħar snin;

42.

Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-imġiba abbużiva minn pjattaformi kbar; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-każijiet fejn kien ċar li r-rimedji offruti ma kinux effettivi biex jirrestawraw il-kompetizzjoni fis-suq, bħalma kien il-każ ta' Google Shopping; jenfasizza li, fin-nuqqas ta' rimedji ta' mġiba li jkunu mmirati, effikaċi u ttestjati minn qabel mal-intrapriża affettwata, jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' separazzjoni strutturali sħiħa bejn is-servizzi ta' tiftix ġenerali u dawk speċjalizzati, inkluż ta' tiftix lokali; jissottolinja li, meta mqabbla mar-rimedji strutturali, ir-rimedji ta' mġiba jistgħu joffru soluzzjoni effiċjenti fl-ħin, u jtaffu l-possibbiltà li l-kompetituri jiġu sfurzati 'l barra mis-suq matul diskussjonijiet fit-tul dwar l-iżvestiment;

43.

Jindika l-ħtieġa li l-Kummissjoni talloka riżorsi adegwati biex tkun tista' tinforza b'mod effettiv ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat l-għarfien espert speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet dejjem akbar bħall-pożizzjonijiet dominanti tal-pjattaformi online jew l-intelliġenza artifiċjali;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-interpretazzjoni ta' “impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva”, kif stipulat fir-Regolament dwar il-Fużjonijiet, sabiex f'każijiet ta' fużjonijiet, il-Kummissjoni mhux biss tanalizza l-prezzijiet, il-produzzjoni u l-innovazzjoni iżda tagħti wkoll attenzjoni għall-prezz soċjali u ambjentali ta' tali tranżazzjonijiet fid-dawl tal-prinċipji tat-TFUE u tagħti attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-ambjent;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tindaga dwar dan is-servizz il-ġdid ta' verifika tal-kontijiet li se jkun ipprovdut lill-konsumaturi minn xi wħud mill-akbar kumpaniji tat-teknoloġija tad-dinja fis-snin li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonċentra b'mod partikolari fuq id-dħul tagħhom f'dan is-suq finanzjarju diġitali ġdid u l-ammont kbir ħafna ta' data li se jiġbru mill-konsumaturi tagħhom u l-użu potenzjali tagħha;

Regoli tal-kompetizzjoni li jappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew

46.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi stabbiliti fiha biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni kosteffettiva għan-newtralità klimatika sal-2050 u biex jitneħħew gradwalment il-karburanti fossili; jappoġġja l-impenn biex jiġu riveduti l-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat sal-2021 sabiex jiġu riflessi dawn l-objettivi;

47.

Jappoġġja r-rieżami tal-Kummissjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-setturi rilevanti kollha, bħat-trasport, inkluż it-trasport bl-ajru u marittimu, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tapplika l-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta u tirrikonoxxi r-rwol komplementari tal-gvernijiet tal-Istati Membri fl-appoġġ li jagħtu lill-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni u fl-enerġija nadifa filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija (10), jekk l-eżenzjonijiet fiskali attwali joħolqux kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni transsettorjali inġusti; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk l-eżenzjoni fiskali għall-pitrolju tirriżultax f'distorsjoni tal-kompetizzjoni li tibbenefika lis-settur tal-avjazzjoni;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, biex tipprovdi flessibbiltà akbar għall-għajnuna mogħtija lill-enerġija rinnovabbli ġġenerata miċ-ċittadini, skont l-impenji klimatiċi tal-UE;

49.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe effetti sekondarji negattivi potenzjali meta kumpaniji kbar jagħmlu użu minn għajnuna pubblika – mogħtija bil-ħsieb li “jħaddru” l-mudelli tan-negozju tagħhom – għal għanijiet oħrajn bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f'settur partikolari;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar gwida u qafas ta' abilitazzjoni biex isiru aktar investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fir-rinnovazzjoni tal-bini, kif ukoll fir-repowering, fi proġetti ibridi u fil-ħżin tal-elettriku;

51.

Jissottolinja f'dan ir-rigward li sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun ta' suċċess, jeħtieġ li l-produtturi Ewropej ta' prodotti u servizzi sostenibbli jaraw il-vantaġġi tiegħu u ma jiffaċċjawx kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji f'pajjiżi terzi;

52.

Jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jiżgura konsistenza politika bejn l-agrikoltura, l-azzjoni klimatika, l-ambjent u l-kummerċ;

Politiki settorjali

53.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu aktar sistematiku minn investigazzjonijiet f'setturi li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, bħas-saħħa, il-mobbiltà, ir-reklamar online, l-enerġija, it-turiżmu, inkluż il-monitoraġġ tal-prezzijiet massimi tal-pjattaformi online għall-akkomodazzjoni, il-kultura, is-servizzi finanzjarji u ta' pagament, u l-midja, fl-era diġitali, filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin tal-UE;

54.

Jitlob lill-Kummissjoni tieħu nota tal-preżenza ta' monopolji u oligopolji nazzjonali bħala sinjal potenzjali tal-eżistenza ta' dgħufijiet fis-suq uniku jew ostakli għall-kompetizzjoni ġusta;

55.

Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju preliminari dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja fl-Ewropa, anke fil-kuntest tal-korporazzjonijiet multinazzjonali li jixtru fornituri tal-midja Ewropej;

56.

Itenni li xi drabi t-tassazzjoni tintuża biex tingħata għajnuna indiretta mill-Istat, bir-riżultat li tinħoloq kompetizzjoni inġusta fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida eżistenti tagħha dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat sabiex tiżgura li l-Istati Membri ma jagħtux għajnuna mill-Istat fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa; jiddeplora l-abbuż fl-użu tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u jilqa' s-sentenzi riċenti tal-Qorti Ġenerali li jikkonfermaw li l-eżami ta' deċiżjoni tat-taxxa mill-perspettiva ta' għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix armonizzazzjoni fiskali; josserva li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni spiss ikunu kkontestati fil-qorti u għaldaqstant għandhom jkunu ppreparati bir-reqqa; jinsisti li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri sabiex il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġi identifikat aħjar; jappella għall-adozzjoni tal-proposta dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u r-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li timmulta lill-pajjiżi li jinstab li jkunu kisru r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina malajr id-diskrepanzi bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-għajnuna għal-likwidazzjoni u r-reġim tar-riżoluzzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (11) (“Direttiva BRR”), u tirrevedi l-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Lulju 2013 dwar is-Servizzi Bankarji (12) b'konsegwenza, anke fid-dawl tal-każijiet riċenti, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jitħarsu l-kontributuri tat-taxxa;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa mill-qrib lejn il-każijiet fis-settur bankarju b'rilevanza potenzjali ta' kompetizzjoni f'ċerti Stati Membri fejn il-konsumaturi bħalissa qed jiffaċċjaw rati tal-imgħax għoljin (13) u nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tas-self, potenzjalment minħabba konċentrazzjoni ta' sjieda fis-settur bankarju, li jista' jwassal għal prattiki ta' bejgħ qarrieqa ta' mutwi ipotekarji;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tevalwa fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE fis-settur finanzjarju jkunux għadhom qed jiġu ssodisfati;

61.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga bir-reqqa u tipproponi miżuri ulterjuri li jindirizzaw il-kważi-monopolju tal-erba' kumpaniji l-kbar tal-kontabbiltà li jawditjaw l-akbar kumpaniji kkwotati fil-borża, bħas-separazzjoni tas-servizzi tal-awditjar mis-servizzi ta' konsulenza u t-twaqqif ta' “awditu konġunt” obbligatorju li jippermetti lil ditti oħrajn apparti l-erba' l-kbar jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa sabiex jevalwaw lill-ikbar kumpaniji;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta u trasparenza akbar fil-prattiki kummerċjali tal-pjattaformi offline, inklużi s-supermarkets u l-hypermarkets, sabiex tiżgura li l-produtturi tal-UE jingħataw kundizzjonijiet u prezzijiet ġusti għall-prodotti tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-analiżi fil-fond tagħha dwar id-daqs u l-effett tal-alleanzi tax-xiri, fir-rigward tal-istrateġiji tariffarji kif ukoll nontariffarji, fuq il-funzjonament ekonomiku tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-effetti fuq il-fornituri u l-bdiewa ta' skala żgħira; jiddispjaċih għall-fatt li l-bejgħ b'telf mhuwiex fuq il-lista tal-prattiki li huma pprojbiti fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jridu jirrikonoxxu l-kontribut importanti li jagħtu l-produtturi primarji fil-provvista ta' ikel ta' kwalità għolja u fl-għoti ta' beni pubbliċi lis-soċjetà;

63.

Jappella għal applikazzjoni aktar ċara, aktar flessibbli u aktar prevedibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-produtturi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) (14) u tiċċara d-dispożizzjonijiet tiegħu, b' mod partikolari fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjoni; iħeġġeġ it-twaqqif ta' aktar POs bħala mod kif il-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jinnegozjaw b'mod effettiv dwar il-prezz u jindirizzaw l-iżbilanċi fil-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni teżenta mir-regoli ta' għajnuna mill-Istat id-dispożizzjonijiet fiskali li l-Istati Membri introduċew speċifikament biex jinkoraġġixxu lill-bdiewa jfaddlu volontarjament bħala prekawzjoni bil-ħsieb li jkunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar ir-riskji miżjuda marbuta mal-klima u mas-saħħa, kif ukoll mal-kriżijiet ekonomiċi; jilqa' t-tlestija tar-rieżami tar-Regolament De Minimis (15), li se jgħin lill-bdiewa jindirizzaw l-isfidi klimatiċi filwaqt li jipprevjenu distorsjonijiet eventwali tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa partikolari ta' linji gwida ċari għas-settur agrikolu minħabba r-rekwiżiti ambjentali u ta' sostenibbiltà; jilqa' b'sodisfazzjon il-verifika kontinwa tal-idoneità tal-pakkett ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-2012 u r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija Agrikola (16);

65.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 209 dwar OKS Unika u tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, speċifikament fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjonijiet, sabiex dawk ikkonċernati jingħataw aktar ċarezza u ċertezza legali meta dan l-artikolu jiġi implimentat, u biex il-Kummissjoni tingħata aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta' dan l-artikolu;

66.

Jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fil-katina, li jservu ta' pjattaforma għad-djalogu, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-aħjar prattiki u t-trasparenza tas-suq;

67.

Jitlob li r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jissaħħaħ sabiex jiġu promossi relazzjonijiet aktar bilanċjati fil-katina tal-ikel, u jappoġġja l-estensjoni tal-klawsola dwar il-kondiviżjoni tal-valur sabiex din tkopri lill-operaturi kollha pjuttost milli lill-ewwel xerrej biss, f'konformità mal-abbozz ta' rapport adottat f'April 2019 mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament dwar l-organizzazzjoni komuni l-ġdida tas-swieq fil-prodotti agrikoli bħala parti mir-riforma li jmiss tal-politika agrikola komuni (PAK).

68.

Jitlob li tiġi prevista, skont l-Artikolu 210 tar-Regolament dwar OKS Unika, deroga awtomatika u espliċita mill-Artikolu 101 tat-TFUE, soġġetta għall-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet agrikoli interprofessjonali jwettqu l-kompiti assenjati lilhom mir-Regolament dwar OKS Unika bil-għan li jkomplu jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-TFUE;

69.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar OKS Unika jiġu attivati b'mod rapidu sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet serji tas-suq;

70.

Jilqa' s-suċċess tal-miżuri ta' ġestjoni tal-provvista introdotti għall-ġobon u l-perżut ta' kwalità fuq talba tal-OPs, tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-gruppi ta' operaturi; jappella għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar OKS Unika li jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' regoli ta' kontroll tal-provvista biex ikopru l-prodotti kollha li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) jew minn indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda;

71.

Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar il-funzjonament tal-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel u tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE skont l-aktar żviluppi riċenti fl-ambjent kummerċjali;

72.

Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel (17), li tirrappreżenta l-ewwel pass importanti biex tiġi żgurata l-korrettezza bejn l-operaturi u jiġi indirizzat l-iżbilanċ tas-setgħa ta' negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-direttiva mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress tat-traspożizzjoni u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jelenkaw aktar prattiki inġusti bħala projbiti u jistabbilixxu standards ogħla;

73.

Ifakkar li seħħ ristrutturar orizzontali u vertikali sinifikanti li wassal għal aktar konsolidazzjoni fis-setturi diġà kkonċentrati taż-żerriegħa, l-agrokimika, il-fertilizzanti, il-ġenetika tal-annimali u s-setturi tal-makkinarju tal-farms, kif ukoll fl-ipproċessar u fil-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tivvaluta fużjonijiet f'dawn is-setturi, tikkunsidra impatti li jmorru lil hinn mill-prezzijiet tal-konsumatur; jenfasizza li l-interessi tal-bdiewa, taċ-ċittadini u tal-ambjent tal-UE jridu jiġu protetti, billi jiġi vvalutat b'mod komprensiv u olistiku l-impatt, fil-livell tal-farms, ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fost il-fornituri ta' prodotti agrikoli, inklużi l-produtturi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

74.

Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ bir-reqqa tas-suq tal-UE għall-pestiċidi, iż-żrieragħ u l-karatteristiċi tal-pjanti, kif ukoll timmonitorja l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur agrikolu;

75.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma permanenti ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-għodod ta' ġestjoni tar-riskju biex tgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw l-inċertezza klimatika, il-volatilità tas-suq u riskji oħrajn fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki, kif stipulat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja ta' Novembru 2017;

76.

Jirrimarka li d-disparitajiet kbar fil-pagamenti diretti jxekklu inizjattivi sostenibbli tal-bdiewa favur il-klima u l-ambjent u jgħawġu l-kompetizzjoni fl-UE; ifakkar fl-impenn li ħa l-Kunsill Ewropew fis-7 u t-8 ta' Frar 2013 biex jarmonizza l-pagamenti fl-UE kollha sal-2020;

77.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont dejjem akbar ta' protesti tal-bdiewa u jinnota li fost it-tħassib tagħhom hemm l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) fuq is-settur agroalimentari tal-UE; jistaqsi jekk l-FTAs iqegħdux lill-produtturi agroalimentari tal-UE fi żvantaġġ kompetittiv meta wieħed iqis id-differenzi fl-istandards soċjali, ambjentali, tas-saħħa, tax-xogħol u tal-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta mill-aktar fis possibbli l-aħħar rapport tagħha dwar l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali kurrenti u futuri, u jappella għall-applikazzjoni tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-konformità għall-prodotti agrikoli u għall-protezzjoni ta' setturi vulnerabbli fin-negozjati kummerċjali futuri u kurrenti, filwaqt li tiżgura t-twettiq tal-ispezzjonijiet kollha meħtieġa;

78.

Jilqa' l-proposta għal regolament dwar il-programm tas-suq uniku, u, b'mod aktar speċifiku, l-azzjonijiet tal-katina tal-ikel appoġġjati fih, bħal miżuri veterinarji u fitosanitarji, biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament jikkonkludu malajr in-negozjati u jadottaw ir-regolament;

79.

Jissottolinja l-importanza ta' konklużjonijiet f'waqthom għaż-żewġ proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti ta' tranżizzjoni sabiex jiġu evitati dewmien u kumplikazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal instabbiltà fis-suq;

80.

Iqis li huwa essenzjali li jinżammu fi ħdan id-DĠ AGRI l-kompetenzi kollha relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 209 u 210 tar-Regolament dwar OKS Unika u mal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp ta' setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u ta' żoni rurali, biex b'hekk jiġi żgurat l-għarfien espert meħtieġ għall-koordinament tal-kwistjonijiet f'dan l-ambitu, li huwa neċessarju meta titqies in-natura speċifika ta' dawn is-setturi u huwa konsistenti għall-aħħar mal-objettivi u l-appoġġ previsti fil-PAK;

81.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-provvista tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI) meta tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, speċjalment fil-kuntest ta' reġjuni u gżejjer iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni; jinnota ċerti diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-pakkett Almunia għal ċerti SGEI, bħas-settur tal-posta, li l-missjonijiet ta' servizz pubbliku tagħhom jistgħu, skont il-liġi tal-UE, jiġu definiti u organizzati fil-livell nazzjonali;

82.

Ifakkar fil-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat immirata aħjar, speċjalment għall-għoti ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali inklużi l-enerġija, it-trasport jew it-telekomunikazzjoni;

83.

Itenni t-talba tiegħu biex ir-reġjuni tal-faħam jiġu identifikati bħala żoni megħjuna sabiex ir-regoli dwar l-għajnuna tal-UE jkunu jistgħu jiġu adattati biex jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri li jittrattaw il-bidliet strutturali meħtieġa, sakemm jittieħdu impenji ċari mill-kumpaniji li joperaw f'dawn ir-reġjuni biex jieħdu azzjoni konkreta lejn in-newtralità tal-karbonju u l-objettivi tal-klima tal-UE; ifakkar li dawk l-attivitajiet li tradizzjonalment huma parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva m'għandhomx ikunu soġġetti għal trattament privileġġat tal-għajnuna mill-Istat;

84.

Jilqa' l-fatt li, fir-reviżjoni mmirata tagħha tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) (18), il-Kummissjoni inkludiet l-estensjoni ta' din l-iskema għall-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (imsejħa wkoll Interreg);

85.

Jinsab imħasseb dwar it-trattament asimmetriku tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE skont jekk ikunux appoġġjati fuq in-naħa tal-UE minn riżorsi tal-politika ta' koeżjoni jew fondi jew programmi tal-UE oħrajn bħal Orizzont 2020/Orizzont Ewropa jew EFSI2.0/InvestEU, kif propost mill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha tal-GBER; jemmen li għandhom jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-proġetti li huma ta' natura simili, iżda differenti fis-sorsi ta' finanzjament tagħhom, peress li dan jiffavorixxi ċerti skemi ta' finanzjament filwaqt li jeskludi oħrajn;

Kunsiderazzjoni aħjar taċ-ċittadini permezz tal-Parlament

86.

Jappella, mingħajr bidla fit-Trattat, għall-użu regolari tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-politika tal-kompetizzjoni, b'analoġija mal-proċedura għad-Direttiva dwar l-Azzjonijiet Antitrust għad-Danni (19) u d-Direttiva NEK+;

87.

Jitlob lill-Kummissjoni tinforma b'mod regolari lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll fuq il-kontroll tal-investimenti barranin diretti; jistieden lill-Kummissjoni żżomm standards għoljin ta' trasparenza;

88.

Jenfasizza x-xewqa tiegħu li jkollu rwol akbar fid-definizzjoni u l-iżvilupp tal-qafas ġenerali għall-politika tal-kompetizzjoni; jinnota li l-Parlament għandu jkun aktar involut bħala osservatur fl-attività tal-gruppi ta' ħidma u tal-gruppi ta' esperti, bħan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN), biex ikollu għarfien aħjar dwar il-kwistjoni u jżomm ruħu aġġornat dwar l-iżviluppi sabiex ikun aktar ippreparat għar-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod partikolari, tinvolvi lill-Parlament meta tfassal strumenti legali mhux vinkolanti, bħal avviżi u linji gwida;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni torganizza fora multisettorjali u interistituzzjonali li jinvolvu lill-industrija, lir-regolaturi nazzjonali inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, lill-gruppi tal-konsumaturi u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex tiddekompartimentalizza l-politika tal-kompetizzjoni;

90.

Jenfasizza li l-formola attwali tal-ilmenti għal każijiet ta' għajnuna mill-Istat titlob ħafna dettalji speċifiċi dwar meta ngħatat l-għajnuna mill-Istat, li ċ-ċittadini ordinarji ma jistgħux ikunu jafu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissimplifika l-formola tal-ilmenti sabiex tagħti l-possibbiltà liċ-ċittadini ordinarji jibagħtu lmenti;

91.

Jinnota b'dispjaċir in-nuqqas ta' informazzjoni pprovduta matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ilmenti ppreżentati; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-ilmentatur konferma li tkun irċeviet l-ilment kif ukoll notifika hekk kif tiftaħ l-investigazzjoni, inkluż iż-żmien kemm tkun mistennija li ddum l-investigazzjoni;

92.

Ifakkar l-importanza tal-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva NEK+; ifakkar li fl-anness tad-Direttiva NEK+ il-Kummissjoni identifikat il-“miżuri interim” bħala “għodda ewlenija għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix ippreġudikata waqt li tkun għaddejja investigazzjoni”; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi evalwat jekk hemmx mezzi biex tiġi ssimplifikata l-adozzjoni ta' miżuri interim fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni fi żmien sentejn mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod aktar effettiv l-iżviluppi fis-swieq li qegħdin jevolvu b'pass mgħaġġel;

93.

Jirrimarka li l-indipendenza politika tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hija tal-akbar importanza sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-kredibbiltà tal-politika tal-kompetizzjoni; jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni tirrikjedi skrutinju pubbliku tal-isforzi tal-lobbying fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu għal Reġistru tat-Trasparenza tal-UE msaħħaħ; jinsisti li jkun hemm skambju aktar regolari mal-Kummissjoni, f'konformità mal-ftehim interistituzzjonali mal-Parlament; jitlob li l-Viċi President Eżekuttiv għall-kompetizzjoni jibqa' f'kuntatt mill-qrib mal-kumitat ECON u mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tiegħu, li huwa lok xieraq fejn jiġi stabbilit djalogu aktar regolari;

94.

Ifakkar l-impenn li ngħata mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali matul is-seduta ta' konferma tagħha fit-8 ta' Ottubru 2019 biex iżżomm il-portafolji tagħha dwar il-politika diġitali u l-kompetizzjoni strettament separati;

Risposti tal-politika tal-kompetizzjoni għall-COVID-19

95.

Jilqa' r-reazzjoni pronta tal-Kummissjoni, li adottat Qafas Temporanju għall-appoġġ f'Għajnuna mill-Istat, iż-żewġ emendi għalih u l-kundizzjonijiet li dan jipprovdi biex jgħin lill-kumpaniji milquta mill-kriżi; jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-flessibilità sħiħa prevista mill-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat matul il-kriżi tal-COVID 19;

96.

Jappoġġa l-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għal kemm ikun hemm bżonn matul il-perjodu ta' rkupru; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa fi żmien xieraq jekk dan il-Qafas Temporanju għandux jiġi estiż lil hinn minn tmiem l-2020, jekk ikun meħtieġ;

97.

Jilqa' l-kundizzjonijiet stabbiliti mit-tieni emenda tal-Qafas Temporanju dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta' għajnuna lil kumpaniji speċjalment fir-rigward tal-projbizzjoni fuq ħlasijiet ta' dividendi, xiri lura ta' ishma u distribuzzjonijiet ta' bonusijiet, għall-banek u kumpaniji oħra, kif ukoll is-salvagwardji kontra azzjonijiet predatorji fuq ditti oħra tal-UE kontra ditti li rċevew għajnuna mill-Istat;

98.

Jilqa' l-fatt li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek fil-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat tiżgura l-finanzjament tal-ekonomija u tgħin biex tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja filwaqt li topera fi ħdan il-qafas leġiżlattiv b'saħħtu eżistenti pprovdut mid-Direttiva BRR u mir-regoli ta' riżoluzzjoni;

99.

Jenfasizza r-riskju tad-distorsjonijiet tas-suq u tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet mhux ekwi minħabba żieda fid-diverġenzi bejn il-livelli ta' għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri; jinnota l-Istrument ta' Appoġġ għas-Solvenza li huwa parti mill-Pjan ta' Rkupru tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss, biex jiġu indirizzati r-riskji li dawn id-diverġenzi joħolqu għall-integrità tas-suq uniku;

100.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-mezzi finanzjarji straordinarji u l-għajnuna mill-Istat mogħtija biex tappoġġa lin-negozji u lill-ħaddiema fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi standards minimi komuni sabiex tispeċifika r-rekwiżit għall-kumpaniji li jirċievu assistenza finanzjarja li jkunu konformi mal-kriterji ESG u t-trasparenza tat-tassazzjoni, sabiex jiġi evitat li jkun hemm kriterji nazzjonali differenti li jwasslu għal aktar diskrepanzi u biex jintwera kif l-appoġġ pubbliku riċevut jintuża biex l-attivitajiet tagħhom jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE u mal-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar li l-għajnuna għandha tingħata biss biex tkopri t-telf imġarrab minħabba l-COVID 19; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss lill-kumpaniji li qed jiffaċċjaw l-effetti immedjati tal-COVID 19 u mhux lil dawk li diġà kellhom problemi finanzjarji qabel il-kriżi; jinsisti li l-kumpaniji rreġistrati f'rifuġji fiskali jenħtieġ li jiġu pprojbiti milli jkollhom aċċess għall-Għajnuna mill-Istat jew għal pakketti ta' appoġġ finanzjarju jekk ma jimpenjawx ruħhom li jbiddlu l-imġiba tagħhom;

101.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta' kwistjonijiet ta' antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b'reazzjoni għat-tifqigħa attwali tal-COVID 19; jissottolinja li l-Kummissjoni ħarġet l-ewwel ittra ta' konfort tagħha mill-2003; jenfasizza li din il-kriżi enfasizzat il-ħtieġa ta' tweġibiet rapidi u effettivi f'ambjent b'ritmu mgħaġġel u jissottolinja l-benefiċċji ta' antitrust parteċipattiv u li tingħata ċertezza legali lill-kumpaniji meta jidħlu f'kooperazzjoni kummerċjali f'setturi strateġiċi ewlenin;

102.

Fir-rigward tal-impatt tal-pandemija, jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika ta' setturi Ewropej ewlenin, li tingħata spinta lill-irkupru ekonomiku tagħna permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar dinamiku meta tirrevedi l-Komunikazzjoni tal-1997 dwar id-definizzjoni tas-suq, u tagħmel il-kriterji tal-innovazzjoni element ewlieni tal-analiżi tas-suq rilevanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll Ewropew tal-fużjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bħala parti mir-rieżami tagħha, il-possibbiltà li tadotta approċċ aktar favorevoli għall-ftehimiet ta' kooperazzjoni u ta' riċerka u ta' żvilupp;

103.

Jenfasizza li l-pandemija għamlet lill-kumpaniji vulnerabbli għal offerti barranin; jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 uriet li hemm nuqqasijiet fil-ktajjen tal-provvista tal-UE u nuqqas ta' sovranità strateġika tal-UE f'oqsma bħall-prodotti mediċinali jew l-ikel u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-kumpaniji u l-assi kritiċi tal-UE minn akkwiżizzjonijiet ostili xprunati minn atturi dominanti kbar;

104.

Jissottolinja li hija kwistjoni tal-ogħla prijorità li jiġu intensifikati l-isforzi tal-UE biex tiġġieled bil-qawwa l-kompetizzjoni inġusta u l-imġiba ostili minn entitajiet statali barranin (SOEs) jew kumpaniji marbuta mal-gvern (GLCs) lejn kumpaniji Ewropej vulnerabbli li qed jitħabtu biex jissopravvivu l-kriżi ekonomika tal-pandemija COVID 19, peress li din l-imġiba għandha l-għan li tieħu kontroll tat-teknoloġiji, tal-infrastruttura u tal-għarfien espert ewlenin Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi immedjatament projbizzjoni temporanja fuq l-akkwiżizzjonijiet ta’ kumpaniji Ewropej minn SOEs jew GLCs minn pajjiżi terzi;

105.

Jilqa' l-inizjattivi mill-pjattaformi tal-midja soċjali biex jiġġieldu l-aħbarijiet foloz u jxerrdu l-informazzjoni uffiċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-COVID 19 permezz tal-pjattaformi tagħhom; madankollu, iwissi kontra dawn il-pjattaformi, li diġà kellhom setgħa sinifikanti fis-suq qabel il-kriżi; jappoġġja s-sejħa tal-Kummissjoni li jsir studju dwar il-pjattaformi li għandhom effetti ta' network sinifikanti u li jaġixxu bħala gwardjani, li għandu jitwettaq bħala parti mill-proposta li ġejja dwar qafas ta' regolament ex-ante, sakemm dan ma jwassalx għal aktar dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi lill-pjattaformi milli juru reklami mmirati lejn l-individwi u żżid it-trasparenza għall-utenti; japprova l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' apps li jittraċċaw il-kuntatti murija minn atturi sinifikanti mhux Ewropej fis-suq tas-sistema operattiva tal-ismartphones; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġbir ta' data ma jsaħħaħx aktar is-setgħa fis-suq ta' xi ftit parteċipanti dominanti;

106.

Jenfasizza li l-kriżi tal-COVID 19 tippreżenta riskju eżistenzjali għal għadd bla preċedent ta' negozji madwar l-UE kollha u kkawżat żieda kbira fir-rati tal-qgħad; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kunċett tal-eċċezzjoni tal-impriża fi stat ta' falliment li qed jiġi applikat fil-preżent huwiex adatt għall-iskop tal-kriżi attwali; jemmen bis-sħiħ li l-politika tal-kompetizzjoni u l-politika industrijali jistgħu flimkien jgħinu biex tinbena s-sovranità Ewropea b'mod sostenibbli; jilqa' l-Istrateġija tal-Politika Industrijali tal-Kummissjoni;

107.

Jirrikonoxxi l-ħidma effiċjenti u effettiva mwettqa mill-Kummissjoni matul il-kriżi tal-COVID 19; jenfasizza li, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, ammont sinifikanti ta' riżorsi umani kellu jiġi allokat mill-ġdid biex tiġi mmonitorjata l-għajnuna mill-Istat; jitlob aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tar-riżorsi ta' persunal tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kif ukoll dwar l-evoluzzjoni tagħhom matul dan il-mandat;

108.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma aħjar lill-Parlament dwar il-ħidma li għaddejja tiegħu, b'mod partikolari r-reviżjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u r-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament evalwazzjoni dettaljata li tippreżenta t-tqassim tal-ammont globali ta' għajnuna mill-Istat awtorizzata fil-Qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat skont l-Istat Membru, is-settur u t-tip tal-għajnuna awtorizzata (għotjiet, garanziji, eċċ.) kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali applikata mill-Istati Membri; jemmen li evalwazzjoni wiesgħa u dettaljata tipprovdi lill-Membri tal-Parlament Ewropew ħarsa ġenerali tal-miżuri ekonomiċi li ttieħdu fil-livell nazzjonali kif ukoll dettalji speċifiċi dwar it-tip ta' għajnuna, it-tip ta' benefiċjarji u l-metodu ta' approvazzjoni, jekk huwa l-każ; jenfasizza li t-tabella ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, li tinkludi diversi tabelli u grafiki dwar l-għajnuna mill-Istat u l-impatt tagħha fuq is-suq intern, għandha tiġi aġġornata f'waqtha;

109.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara l-kriżi, tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill komunikazzjoni dwar l-effetti tal-pandemija COVID 19 fuq il-kompetizzjoni tas-suq u fuq l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-integrità tas-suq uniku u l-futur tal-politika tal-kompetizzjoni;

110.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja li l-banek li jirċievu għajnuna mill-Istat jibqgħu joffru s-servizzi bankarji kollha li jagħtu lill-konsumatur u tiżgura li l-banek ma jitħallewx jużaw il-kriżi tal-COVID-19 bħala skuża biex inaqqsu dawn is-servizzi b'mod permanenti;

o

o o

111.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2019)0062.

(2)  ĠU C 247, 23.7.2019, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3.

(4)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57.

(5)  ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.

(6)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/International_trade_in_goods_by_enterprise_size

(7)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(8)  ĠU C 289, 9.8.2016, p. 65.

(9)  ĠU C 267, 22.10.2008, p. 1.

(10)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(11)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(12)  ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

(13)  https://data.worldbank.org/indicator/FR.INR.LNDP?locations=RO&most_recent_value_desc=false

(14)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(15)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1.

(16)  ĠU C 213, 8.9.2009, p. 9.

(17)  ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59.

(18)  ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.

(19)  ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1.


Il-Gimgħa 19 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/37


P9_TA(2020)0164

Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali (2019/2987(RSP))

(2021/C 362/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 13(2) u 17(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018,

wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) fil-proġett fir-Repubblika Ċeka magħruf bħala “Stork Nest”, li sab “irregolaritajiet serji”,

wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-26 u fis-27 ta' Marzu 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (1),

wara li kkunsidra l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 tas-16 ta' Marzu 2006 dwar il-kunflitti ta' interessi, li l-Artikolu 4(c) tiegħu daħal fis-seħħ fi Frar 2017,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (2) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”), li daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144 u 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (3),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet u l-ilment mibgħut lill-Kummissjoni rigward il-kunflitt potenzjali ta' interess fir-Repubblika Ċeka (4),

wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018 dwar l-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitti ta' interess) fuq il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE),

wara li kkunsidra l-konferenza stampa mogħtija mill-Kap Prosekutur Pubbliku fl-4 ta' Diċembru 2019 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE,

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar il-kunflitti ta' interess u l-korruzzjoni li taffettwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri,

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-prosekuzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta' fondi tal-UE u kunflitti ta' interess potenzjali,

wara li kkunsidra l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit mis-26 sat-28 ta' Frar 2020,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka tat-18 ta' Frar 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš, li segwiet ir-rapport tal-OLAF dwar l-użu irregolari tas-sussidji tal-UE maħsuba għan-negozji ż-żgħar u li ġiet sospiża sentejn wara, reċentement reġgħet infetħet mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka; ifakkar li bħala parti mill-proġett “Stork Nest”, Agrofert ħolqot b'mod artifiċjali kumpanija ta' daqs medju, li baqgħet fil-kontroll ta' Agrofert, biex jinkisbu fondi maħsuba għal negozji żgħar u ta' daqs medju li jammontaw għal total ta' madwar EUR 2 miljun;

B.

billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika Ċeka ddenunzja li t-twaqqigħ tal-investigazzjoni kriminali kien “illegali u prematur” hekk kif il-liġi tal-UE ma ġietx ikkunsidrata, filwaqt li żied ukoll li l-proċess ta' allokazzjoni tas-sussidji kien nieqes minn kontrolli suffiċjenti;

C.

billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:

a)

obbligu negattiv fuq l-atturi finanzjarji biex jimpedixxu sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess b'rabta mal-baġit tal-UE;

b)

obbligu pożittiv fuq l-atturi finanzjarji biex jieħdu miżuri xierqa biex jimpedixxu l-kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti oġġettivament bħala kunflitt ta' interess;

D.

billi l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li, kif jirrikjedi l-Artikolu 36(3), għandhom ikunu kapaċi jevitaw il-kunflitti ta' interess;

E.

billi f'Frar 2017, l-Att tar-Repubblika Ċeka Nru 159/2006 dwar il-kunflitti ta' interess ġie emendat b'lista estiża ta' attivitajiet ipprojbiti, inkluż dispożizzjonijiet li jipprevjenu li ċerti kumpaniji jkunu involuti fl-akkwist pubbliku anke bħala sottokuntrattur jew milli jirċievu għotjiet; billi l-att għandu l-għan li jipprevjeni kunflitti ta' interess fl-għamliet kollha tagħhom;

F.

billi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku jobbligaw lill-Istati Membri jevitaw kunflitti ta' interess (l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE (5)), inklużi interessi personali diretti jew indiretti, u diġà hemm regoli fis-seħħ biex jindirizzaw sitwazzjonijiet meqjusa bħala kunflitti ta' interess kif ukoll obbligi speċifiċi fil-ġestjoni kondiviża (pereżempju r-Regolament (UE) Nru 1303/2013);

G.

billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (6), “kunflitt ta' interess jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide”;

H.

billi l-Kummissjoni hija obbligata tissospendi l-pagamenti tal-fondi tal-UE f'każijiet meta jkun hemm nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u meta jkunu nkixfu irregolaritajiet serji li ma jkunux ġew skoperti, rappurtati u kkoreġuti b'rabta ma' kunflitt ta' interess;

I.

billi Agrofert huwa konglomerat stabbilit mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, magħmul minn aktar minn 230 kumpanija u aktar minn 34 000 impjegat (2017); billi ġie żvelat li s-Sur Babiš huwa s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert – li jinkludi, fost l-oħrajn, għadd ta' mezzi tax-xandir importanti tar-Repubblika Ċeka – permezz tal-fondi fiduċjarji AB I u AB II li tagħhom huwa l-fundatur u, fl-istess ħin, l-uniku benefiċjarju; billi meta s-Sur Babiš jiddeċiedi li jxolji dawn il-fondi fiduċjarji, huwa jerġa' jikseb is-sjieda sħiħa tal-assi kollha li jinsabu fil-fondi;

J.

billi f'Jannar u fi Frar 2019 twettaq awditu kkoordinat u komprensiv minn diversi servizzi tal-Kummissjoni (DĠ REGIO/DĠ EMPL, DĠ AGRI (DĠ assoċjat)) dwar l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-UE; billi awditu li għadu għaddej minn DĠ AGRI qiegħed jeżamina allegati kunflitti ta' interess fir-rigward tal-Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-Agrikoltura;

K.

billi f'Novembru 2019 il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO u DĠ EMPL lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka, b'segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li nkixef lill-midja tar-Repubblika Ċeka;

L.

billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kellu laqgħa bil-magħluq mal-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn fis-16 ta' Diċembru 2019;

M.

billi l-Kummissarju Hahn informa lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-Kummissjoni kienet ser tippubblika l-konklużjonijiet tal-awditu ladarba l-evidenza kollha tkun ġiet ikkunsidrata u analizzata bir-reqqa; billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għar-rapport tal-awditjar finali ta' DĠ REGIO fid-29 ta' Mejju 2020;

N.

billi l-awditu tal-Kummissjoni għadu għaddej, u bħala miżura ta' prekawzjoni u sakemm tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, mhu qiegħed isir ebda pagament mill-baġit tal-UE fi ħdan il-Fondi SIE lil kumpaniji li s-sjieda diretta jew indiretta tagħhom hija tas-Sur Babiš, li potenzjalment jista' jiġi implikat fl-allegat kunflitt ta' interess;

O.

billi l-Kummissjoni mhijiex tirrimborża lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka għall-pagamenti li saru fi ħdan il-Fond għall-Iżvilupp Rurali għall-proġetti ta' Agrofert Group, li potenzjalment jistgħu jkunu kkonċernati mill-allegat kunflitt ta' interess;

P.

billi l-Parlament tar-Repubblika Ċeka m'għandu ebda sorveljanza fuq offerti pubbliċi possibbli, sussidji fil-livell nazzjonali tar-Repubblika Ċeka jew investimenti pubbliċi appoġġjati mill-istat li l-Grupp Agrofert jaf ikompli jgawdi minnhom;

Q.

billi l-Grupp Agrofert għandu s-sjieda ta' tnejn mill-akbar gazzetti ta' kuljum tar-Repubblika Ċeka, Mladá fronta Dnes u Lidové Noviny, u jikkontrolla l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Óčko u l-istazzjonijiet tar-radju Impuls u RockZone; billi skont rapport mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, is-Sur Babiš huwa s-sid de facto ta' 30 % tal-midja privata fir-Repubblika Ċeka (7);

R.

billi d-dħul tal-Grupp Agrofert żdied b'mod sinifikanti matul il-perjodu li fih is-Sur Babiš kien fil-kariga pubblika u fl-istess waqt il-Grupp Agrofert ibbenefika minn sussidji agrikoli tal-UE li jammontaw għal total ta' CZK 970 414 000 fl-2016, CZK 1 048 685 000 fl-2017 u CZK 973 284 000 fl-2018 fir-Repubblika Ċeka biss; billi l-Grupp Agrofert allegatament irċieva sussidji mill-Fond ta' Koeżjoni tal-UE li jammontaw għal CZK 427 385 000 għall-perjodu 2014–2020 fir-Repubblika Ċeka; billi l-Grupp Agrofert x'aktarx li rċieva sussidji addizzjonali fi Stati Membri oħra, bħas-Slovakkja u l-Ġermanja;

S.

billi l-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka fid-Deċiżjoni Pl. ÚS 4/17 ta' Frar 2020 irrifjutat azzjoni legali mressqa mill-President tar-Repubblika Ċeka u l-Membri tal-Parlament tar-Repubblika Ċeka dwar ir-revoka tal-liġi Ċeka li tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess fost l-uffiċjali pubbliċi; billi l-Qorti Kostituzzjonali ċċarat fl-istess deċiżjoni li l-elezzjonijiet m'għandhomx jintużaw bħala mezz biex jinħataf kontroll tal-istat bl-iskop li jintużaw jew saħansitra jiġu abbużati l-kapaċitajiet u r-riżorsi tiegħu;

1.

Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għall-involviment tiegħu fil-proġett “Stork Nest”; jinsab fiduċjuż li s-sistema ġudizzjarja nazzjonali ser tkompli b'dan il-proċess b'mod indipendenti u ħieles minn kwalunkwe influwenza politika possibbli;

2.

Jikkundanna kwalunkwe sitwazzjoni possibbli ta' kunflitti ta' interess li tista' tikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u twassal għat-telf tal-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ġestjoni xierqa tal-flus tal-kontribwenti tal-UE;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni, bħala l-'Gwardjan tat-Trattati', tiġġieled kull forma ta' kunflitti ta' interess u tevalwa l-miżuri preventivi meħuda mill-Istati Membri biex jevitawhom;

4.

Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll li jindirizza l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess fl-Istati Membri u biex tistabbilixxi l-evitar attiv tal-kunflitti ta' interess, inkluż l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji finali tas-sussidji tal-UE, bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha;

5.

Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-kunflitti ta' interess, tiżgura l-irkupru rapidu ta' sussidji potenzjalment imħallsa b'mod irregolari filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt u r-rekwiżiti proċedurali u tintervjeni b'mod deċiżiv, speċjalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess fost l-ogħla rappreżentanti tagħhom;

6.

Jisħaq li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess trid tkun kompatibbli mal-formulazzjoni u mal-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid; jappella lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni biex tassisti lill-Istati Membri fl-evitar tal-kunflitti ta' interess fost il-politiċi ta' profil għoli;

7.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jadottaw standards komuni għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-kunflitti ta' interess u jfittxu li jintlaħaq fehim komuni tal-kwistjoni fl-Istati Membri kollha;

8.

Jappella lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' nonkonformità mar-regoli, tieħu miżuri adegwati biex tipproteġi l-baġit tal-UE, inklużi azzjonijiet korrettivi biex jiġu rkuprati l-fondi kollha li jkunu nħarġu illegalment jew b'mod irregolari, fejn dan ikun previst;

9.

Jappella lill-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu t-trasparenza baġitarja, billi jiżguraw li d-data rilevanti dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-għoti ta' kuntratti ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tkun aċċessibbli b'mod faċli u liberu għall-pubbliku ġenerali;

10.

Jinsab imħasseb dwar rapporti minn partijiet differenti tal-UE dwar l-influwenza politika dejjem akbar ta' politiċi b'interessi personali li jinsabu qrib jew fil-gvern, dwar it-tfassil tal-liġijiet u dwar l-użu tal-finanzi pubbliċi, bl-għan potenzjali li jaqdu l-interess personali ta' individwi speċifiċi aktar milli tal-pubbliku ġenerali;

11.

Jiddeplora l-fatt li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka kien u għadu involut b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka fil-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru (u preċedentement President tal-Kunsill għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej) filwaqt li għadu fil-kontroll tal-Grupp Agrofert bħala fundatur u l-uniku benefiċjarju ta' żewġ fondi fiduċjarji, bi ksur tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju, u għaldaqstant iqiegħed f'dubju l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet tiegħu; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti reċenti fil-midja (8) li l-Prim Ministru għad għandu kontroll fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali meħuda f'Agrofert;

12.

Jinnota li r-rapporti reċenti tal-midja jidher li żvelaw li s-Sur Babiš u l-mara tiegħu għadhom elenkati fost is-sitt persuni attivi b'influwenza jew kontroll sinifikanti fuq il-fiduċjarji ta' trust relatat ma' sussidjarja ta' Agrofert fir-Renju Unit, GreenChem Solutions Ltd.;

13.

Jinsisti li kunflitt ta' interess fl-ogħla livell ta' gvern ta' stat membru, jekk jiġi kkonfermat, ma jistax jiġi ttollerat u jrid jiġi solvut mill-persuna(i) kkonċernata/kkonċernati billi:

a)

jittieħdu miżuri li jiżguraw li din il-persuna ma jkollhiex aktar interess ekonomiku jew interessi oħra li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward ta' entità kummerċjali;

b)

l-entitajiet kummerċjali fil-kontroll tagħhom jieqfu jirċievu kwalunkwe finanzjament mill-fondi tal-UE, minn sussidji pubbliċi jew minn finanzjament imqassam mill-gvern nazzjonali;

c)

jastjenu milli jipparteċipaw f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-interessi tagħhom; jisħaq madankollu li, fid-dawl tal-funzjonijiet u s-setgħat tal-Prim Ministru u tal-membri tal-gvern tiegħu, jidher li huwa dubjuż li miżura bħal din tista' tindirizza b'mod adegwat il-kunflitt ta' interess fil-prattika jekk il-persuni inkwistjoni jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet pubbliċi tagħhom u li għaldaqstant riżenja mill-pożizzjoni pubblika hija mezz aktar adegwat biex jiġi indirizzat il-kunflitt ta' interessi;

14.

Jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa l-proċess ta' allokazzjoni tal-pagamenti fir-Repubblika Ċeka, speċjalment il-pagamenti ta' fondi tal-UE li jsiru lil kumpaniji li huma proprjetà diretta u indiretta tal-Prim Ministru jew kwalunkwe membru ieħor tal-gvern involut fl-implimentazzjoni tal-baġit;

15.

Jappella lill-Kummissjoni tivvaluta, mingħajr dewmien żejjed, jekk f'każijiet fejn il-kumpaniji jappartjenu għall-Grupp Agrofert u jibqgħu jirċievu sussidji mill-baġit nazzjonali, jekk dawn humiex konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota r-riskju potenzjali ta' dannu finanzjarja li dawn il-każijiet jistgħu joħolqu u jappella lill-awtoritajiet nazzjonali jivvalutaw dawn is-sitwazzjonijiet; iqis l-kontribwenti tar-Repubblika Ċeka u tal-UE għandhom jiġu informati kif dovut dwar sitwazzjoni bħal din;

16.

Jinsab tassew imħasseb dwar rapporti (9) rigward il-kapaċità ta' kumpaniji tal-Grupp Agrofert li jittrasferixxu b'mod artifiċjali l-assi fost is-sussidjarji, biex b'hekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità għal sussidji lil kumpaniji żgħar u ta' daqs medju jew, għall-kuntrarju, iwaħħdu l-operazzjonijiet tagħhom biex jippreżentaw ruħhom bħala kumpanija kbira u b'hekk jirbħu offerti pubbliċi;

17.

Jiddeplora rapporti li l-awdituri identifikaw nuqqasijiet serji fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fil-qasam tal-fondi reġjonali u ta' koeżjoni fir-Repubblika Ċeka, u għaldaqstant issuġġerew korrezzjoni finanzjarja ta' kważi 20 %; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod kritiku jekk dawn il-każijiet humiex każijiet ta' użu ħażin sistemiku ta' fondi tal-UE;

18.

Jinsab imħasseb dwar it-telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet fl-aġenziji tal-ħlas nazzjonali u fil-korpi ta' kontroll; jappella lill-Kunsill biex, f'dan il-kuntest, jadotta b'mod urġenti l-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri;

19.

Jinsab tassew imħasseb dwar il-qafas legali fir-Repubblika Ċeka li jiċħad lill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar nazzjonali d-dritt li tivverifika r-regolarità u r-rendiment tal-infiq pubbliku fil-livell reġjonali u lokali, u b'hekk tipprevjeni lill-istituzzjoni milli jkollha livell ta' għarfien dwar is-sidien benefiċjarji fl-istrutturi kumplessi tal-kumpaniji; jiddeplora rapporti (10) li l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar ma jwettaqx kontrolli fuq il-post sistematiċi tal-benefiċjarji finali; jinsab imħasseb dwar il-kummenti derogatorji magħmula mill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar il-ħidma tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka;

20.

Jisħaq li kompożizzjoni politika żbilanċjata tal-Bord Superviżorju tal-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu (SZIF) iġġib magħha riskju ta' influwenza politika u b'hekk tikkomprometti l-kapaċità li jitwettaq awditjar indipendenti;

21.

Jinsab imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil (11) irċevew struzzjonijiet u kienu taħt pressjoni biex ma jinvestigawx allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess potenzjali relatati mal-Grupp Agrofert u allegatament ingħataw struzzjonijiet biex jivvalutaw l-offerti kummerċjali li Agrofert irċieva; jinsab tassew imħasseb dwar rapporti li l-impjegati taċ-ċivil ħabbtu wiċċhom ma' riperkussjonijiet negattivi, bħal sensji abbażi tal-pretest ta' sistematizzazzjoni wara li rrifjutaw li segwiti tali ordnijiet; jisħaq li dawn il-miżuri jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-istat u l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet pubbliċi;

22.

Jiddispjaċih dwar indikazzjonijiet ta' dgħufijiet sistemiċi fl-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess; jiddeplora l-fatt li ma hemm ebda kontroverifiki u li responsabbiltajiet diverġenti jrawmu strutturi mhux trasparenti li huma ta' tfixkil għall-prevenzjoni effikaċi u d-detezzjoni ta' kunflitti ta' interess fir-Repubblika Ċeka; ifakkar li approċċ pożittiv fejn l-uffiċjali pubbliċi jkunu meħtieġa jippreżentaw awtodikjarazzjonijiet ta' ebda kunflitt ta' interess mhuwiex biżżejjed biex jiġu evitati b'mod effikaċi sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess; jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet sistemiċi mingħajr dewmien, b'mod partikolari billi jirrikjedu dikjarazzjoni ta' kunflitt ta' interess li tkun verifikabbli, fejn l-uffiċjali pubbliċi jipprovdu lista tal-interessi finanzjarji rispettivi tagħhom;

23.

Jiddispjaċih li l-fondi tal-UE affettwati mill-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma' irregolaritajiet jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ebda konsegwenza jew restrizzjonijiet ulterjuri; huwa tal-fehma li tali sistema thedded l-interessi finanzjarji tal-UE; jappella lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-UE u tikkunsidra l-iżvilupp ta' sistema li biha l-korrezzjonijiet jiġu akkumpanjati wkoll minn restrizzjonijiet fuq l-użu ulterjuri tagħhom;

24.

Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2019 li tissospendi l-ammonti rilevanti inklużi mill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka fid-dikjarazzjonijiet interim tagħha tan-nefqa għall-Programm tal-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka għal Q4–2018 u Q1–2019;

25.

Jinnota li l-Kummissjoni kkonfermat li għamlet pagamenti fi ħdan il-politika agrikola komuni (PAK) relatati mas-sena 2018 lil kumpaniji li jappartjenu għall-Grupp Agrofert, kif ukoll lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju f'diversi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Ċeka; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b'ġabra kompleta u affidabbli tal-pagamenti kollha magħmula lill-Grupp Agrofert u lil kumpaniji bl-istess sid benefiċjarju fl-Istati Membri kollha għas-snin finanzjarji 2018 u 2019;

26.

Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka jiżguraw id-distribuzzjoni ġusta u bbilanċjata tal-fondi tal-UE, biex il-finanzi tal-kontribwenti tal-UE jkunu ta' benefiċċju għall-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni, kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment;

27.

Jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni inadegwata tad-Direttivi (UE) 2015/849 (12) u (UE) 2018/843 (13) dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ir-raba' u l-ħames Direttivi dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus); jaċċentwa l-obbligu li ż-żewġ direttivi jiġu trasposti b'mod sħiħ u korrett u li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha, inklużi dawk dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja, jiġu kompletament implimentati;

28.

Iħeġġeġ lill-Unità Analitika Finanzjarja tar-Repubblika Ċeka tieħu approċċ aktar proattiv fil-ġlieda kontra r-reati fiskali, il-frodi u l-korruzzjoni, kif ukoll tiżgura li jkun hemm kontrolli effikaċi tas-sidien benefiċjarji mill-entitajiet responsabbli skont ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus;

29.

Jiddispjaċih li l-awtorizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-awditjar tal-fondi tal-UE f'ġestjoni kondiviża huma proċessi kumplessi u mhux trasparenti fejn l-Istati Membri biss għandhom aċċess sħiħ għad-data, li jfisser li l-Kummissjoni ma tistax tipprovdi ħarsa ġenerali f'waqtha u komprensiva lill-Parlament meta tintalab informazzjoni dwar pagamenti lil ċerti benefiċjarji f'diversi Stati Membri; jenfasizza li dan ifixkel b'mod serju l-effiċjenza u l-kapaċità tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala entitajiet ta' kontroll;

30.

Jappella lill-Kummissjoni biex, b'aċċettazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża, tistabbilixxi mezzi uniformi u standardizzati għall-Istati Membri biex jirrapportaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE; jenfasizza li informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali għandha tinkludi speċifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji (persuni fiżiċi u ġuridiċi); jappella lill-Kummissjoni tipproponi regolament għall-istabbiliment ta' sistema tal-IT li tippermetti rapportar uniformi u standardizzat f'ħin reali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri li tiżgura interoperabilità mas-sistemi fl-Istati Membri biex jiġu ggarantiti trasparenza u kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex titjieb aktar ir-responsabbiltà fir-rigward tal-pagamenti, u b' mod partikolari bħala kontribut għad-detezzjoni aktar bikrija ta' żbalji sistemiċi u użu ħażin;

31.

Jiddispjaċih li ebda wieħed mir-regolamenti li jirregolaw l-użu tal-fondi agrikoli u ta' koeżjoni ma jimponu obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jippubblikaw is-sid benefiċjarju finali ta' individwu entità legali jew trust li jibbenefikaw mill-fondi; jappella lill-koleġiżlaturi biex jagħtu attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u biex jindirizzawha b'mod komprensiv meta jiddeċiedu dwar regoli futuri għat-trasparenza tas-sussidji tal-UE;

32.

Jinsisti li r-reġistru tas-sjieda benefiċjarja għandu jkun fih biss informazzjoni kompletament ivverifikata dwar il-persuna/persuni ta' kontroll u jrid ikun kompletament disponibbli għall-pubbliku;

33.

Ma japprovax bis-sħiħ il-ħolqien u l-istabbiliment ta' strutturi oligarkiċi li jużaw fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-UE, fejn minoranza żgħira ta' benefiċjarji jirċievu l-maġġoranza l-kbira tal-fondi tal-UE; jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa strumenti legali effikaċi biex tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt u tipprevjeni l-ħolqien ta' strutturi bħal dawn;

34.

Itenni t-tħassib tiegħu li każijiet ta' kunflitti ta' interess jagħmlu ħsara lill-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni u tal-PAK, li għandhom dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali importanti, u joffru stampa negattiva ta' dawn il-politiki;

35.

Jappella lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li timmodifika r-regoli tal-PAK għal allokazzjoni aktar ġusta tal-fondi tal-UE, biex jiġi żgurat li l-PAK tiġi allokata b'mod ġust lill-bdiewa attivi li jikkultivaw l-art u li ma tirriżultax fi ftehimiet dwar l-art li jkunu ta' benefiċċju għal grupp magħżul ta' persuni b'informazzjoni privileġġata tal-politika jew jinċentivaw prattiki abbużivi matul irkant li jipprivatizza art li hija proprjetà tal-istat; jagħraf il-proposta tal-Kummissjoni għal mudell ġdid tal-implimentazzjoni, inkluż l-iffissar ta' limiti massimi flimkien ma' mekkaniżmu ta' digressività; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-iffissar ta' limiti massimi, bl-introduzzjoni ta' tpaċija tal-kost lavorattiv qabel l-iffissar ta' limiti massimi, mhuwiex biżżejjed biex tiġi garantita allokazzjoni aktar ġusta tal-pagamenti diretti; jappoġġja l-idea ta' mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni obbligatorja;

36.

Jieħu nota tal-fatt li d-drittijiet ta' proprjetà tal-art ħafna drabi ma ġewx definiti b'mod ċar u l-art baqgħet klassifikata bħala art tal-istat taħt is-superviżjoni tal-Uffiċċju tal-Artijiet tal-Istat, li kellu t-tendenza li jikriha lil korporazzjonijiet agrikoli fuq skala kbira; jagħraf l-isforzi tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jidentifikaw lis-sidien leġittimi sal-2023; jinsisti li l-irkant ta' art li s-sidien leġittimi tagħha ma jistgħux jiġu stabbiliti għandu jsir b'mod ġust u jipprovdi opportunitajiet indaqs biex bdiewa żgħar u ta' daqs medju u bdiewa żgħażagħ jakkwistaw l-art;

37.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-ammont massimu ta' pagamenti diretti għal kull persuna fiżika bħala s-sid benefiċjarju ta' kumpanija waħda jew aktar, filwaqt li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero għal dawk b'kunflitt ta' interess; jissottolinja m'għandux ikun possibbli li jingħataw sussidji tal-UE fil-mijiet ta' miljuni f'perjodu wieħed tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

38.

Jinsisti li dawk responsabbli għall-użu ħażin ta' fondi tal-UE għandhom ibatu l-konsegwenzi u li, fil-każ ta' korrezzjonijiet finanzjarji, il-piż m'għandux jingħadda lill-kontribwenti nazzjonali; jappella lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika Ċeka biex jitolbu lura sussidji li ma kellhomx jitħallsu minn dawk li bbenefikaw minnhom b'mod illegali; huwa tal-fehma li għandha tiġi introdotta kundizzjoni li tippermetti l-użu tal-fondi tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, liema kundizzjoni tirrikjedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju responsabbli jirkupra l-fondi li ddikjara b'mod ħażin;

39.

Jikkundanna bil-qawwa l-użu pubbliku ta' lingwaġġ ta' diffamazzjoni u diskors ta' mibegħda mill-Prim Ministru matul il-konferenza stampa tiegħu kontra l-parteċipanti tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020; iqis li huwa inaċċettabbli li l-Membri tal-Parlament Ewropew li ħadu sehem fil-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fir-Repubblika Ċeka rċevew theddid ta' mewt u attakki verbali oħra meta kienu qegħdin jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew;

40.

Jappella lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jirrapporta lura għand il-Parlament dwar kwalunkwe għarfien rilevanti miksub matul il-missjoni tiegħu ta' ġbir ta' informazzjoni u jinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet rilevanti kif dovut;

41.

Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel l-aħjar possibbli biex tiffinalizza l-proċeduri ta' awditjar li għaddejjin bħalissa mingħajr dewmien żejjed u biex tippubblika s-sejbiet tagħha hekk kif l-evidenza kollha tkun ġiet evalwata kif dovut; jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jikkunsidraw is-sejbiet ta' dan l-awditjar u jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tan-negozjati għall-QFP li jmiss;

42.

Jappella lill-Kummissjoni tagħti segwitu għall-allegazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess mhux solvuti fi Stati Membri oħra;

43.

Itenni d-dispjaċir tiegħu li r-rapport għal kull pajjiż ma baqax isir fit-tieni rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni mill-Kummissjoni (ARES(2017)455202); jitlob mill-ġdid li l-Kummissjoni terġa' tibda tirrapporta, separatament mis-Semestru Ekonomiku, dwar l-istatus tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tal-isforzi kontra l-korruzzjoni appoġġjati mill-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni ma tevalwax l-isforzi kontra l-korruzzjoni biss f'termini ta' telf ekonomiku;

44.

Jisħaq fuq l-importanza tar-rispett tal-istat tad-dritt, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja bħala prekundizzjoni għall-użu b'suċċess tal-finanzjament tal-UE;

45.

Jaċċentwa l-importanza tal-midja pubblika indipendenti, tal-ġurnalisti investigattivi u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu biex isaħħu l-istat tad-dritt; Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ tal-UE għal ġurnalisti indipendenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa ta' importanza kbira, inkluż fil-kuntest tal-QFP li jmiss; jinsab mħasseb dwar il-konċentrazzjoni għolja ta' midja privata f'idejn il-ftit fir-Repubblika Ċeka;

46.

Jappella lill-Kummissjoni tqis it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni meta timmonitorja s-sitwazzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt;

47.

Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka biex jinformaw malajr kemm jista' jkun lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-eżitu tal-investigazzjoni “Stork Nest” li reġgħet infetħet;

48.

Jappella lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fil-kuntest tan-negozjati għall-baġit futur tal-UE u l-QFP li jmiss, bi qbil mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju;

49.

Jesprimi solidarjetà mal-poplu tar-Repubblika Ċeka li qiegħed jappella għal korrettezza, ġustizzja u riżoluzzjoni tal-inkompatibbiltà tal-interessi kummerċjali tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka mar-rwol u s-setgħat politiċi tiegħu;

50.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Ċeka.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2018)0530.

(2)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(4)  https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/P-8-2019-001656_MT.html

(5)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(6)  Ismeri Europa Srl vs Il-Qorti tal-Awdituri, Sentenza tal-15.6.1999, Kawża T-277/97, ECLI:EU:T:1999:124.

(7)  https://europeanjournalists.org/wp-content/uploads/2019/10/Czech-Republic-fact-finding-mission.pdf

(8)  https://www.seznamzpravy.cz/clanek/babis-mu-zadal-praci-pro-agrofert-ja-jen-splnil-pokyn-rika-exnamestek-90945; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/soukromy-obchod-agrofertu-na-stole-premiera-poslete-odpoved-napsal-babis-90494; https://www.seznamzpravy.cz/clanek/dukazy-z-e-mailu-babis-kvuli-agrofertu-ukoluje-vladou-placene-experty-90815

(9)  Informazzjoni mogħtija mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Biedja Privata fir-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.

(10)  Informazzjoni mogħtija mingħand l-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar tar-Repubblika Ċeka matul il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.

(11)  Rapporti ta' impjegati taċ-ċivil u rappreżentanti ta' NGOs, miġjuba għall-attenzjoni tal-membri tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Repubblika Ċeka bejn is-26 u t-28 ta' Frar 2020.

(12)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/45


P9_TA(2020)0165

Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019 (2019/2130(INI))

(2021/C 362/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2018 (1),

wara li kkunsidra l-feedback tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2019 dwar l-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2018,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Pakkett Bankarju mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015)0586),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas tal-2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss bl-isem “Unjoni li tirsisti għal aktar – L-aġenda tiegħi għall-Ewropa”, ippreżentati minn Ursula von der Leyen fis-16 ta' Lulju 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III (2), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-12 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani (COM(2018)0339),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BĊE, ippubblikat f'Marzu 2019, dwar l-attivitajiet superviżorji 2018 (3),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ta' Lulju 2019 bit-titolu “EU Non-bank Financial Intermediation Risk Monitor 2019” (Monitoraġġ tar-Riskju tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja mhux bankarja tal-UE tal-2019) (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Pjan Direzzjonali Fintech tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) wara l-konsultazzjoni dwar l-approċċ tal-ABE għat-Teknoloġija Finanzjarja (FinTech) ta' Marzu 2018,

wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE ta' Novembru 2019 bit-titolu “Risk Assessment of the European Banking System” (Valutazzjoni tar-Riskju tas-Sistema Bankarja Ewropea) (5),

wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE tat-18 ta' Lulju 2019 dwar il-perimetru regolatorju, l-istatus regolatorju u l-approċċi ta' awtorizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet FinTech,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ta' Jannar 2019 bit-titolu “FinTech: Regulatory sandboxes and innovation hubs” (FinTech: Sandboxes regolatorji u ċentri ta' innovazzjoni) (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-7 ta' Novembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fi ħdan il-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (7),

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tad-9 ta' Ottubru 2019 bejn il-BĊE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) rigward l-awditi fuq il-kompiti superviżorji tal-BĊE (8),

wara li kkunsidra l-approvazzjoni mis-Summit tal-Euro fl-14 ta' Diċembru 2018 tar-rapport tal-Grupp tal-Euro fil-format inklużiv tiegħu li jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli,

wara li kkunsidra l-approvazzjoni mill-istess Summit tal-Euro tat-termini ta' referenza tal-garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2019 dwar l-applikazzjoni u r-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek) u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRMR)) (COM(2019)0213),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni miftiehma mis-Summit tal-Euro fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2019,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-QEA tal-10 ta' Lulju 2019 dwar it-testijiet tal-istress madwar l-UE kollha għall-banek (9),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-BĊE tat-22 ta' Awwissu 2019 dwar ir-reviżjoni tal-aspettattivi superviżorji għall-proviżjonament prudenzjali għal self improduttiv ġdid biex jieħu inkunsiderazzjoni r-regolament ġdid tal-UE dwar l-aspettattivi ta' superviżjoni għal proviżjonament prudenzjali (10),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2019 bit-titolu “Ir-Raba' Rapport tal-Progress dwar it-tnaqqis tas-self improduttiv u iktar tnaqqis tar-riskju fl-Unjoni Bankarja” (COM(2019)0278),

wara li kkunsidra l-Pariri Tekniċi tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tat-18 ta' Lulju 2019 lill-Kummissjoni Ewropea dwar Kunsiderazzjonijiet ta' Sostenibbiltà fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (11),

wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ta' Ottubru 2019 bit-titolu “Completing banking union to support Economic and Monetary Union” (Tlestija tal-Unjoni Bankarja għall-appoġġ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja) (12),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (COM(2018)0097),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu: prospettivi futuri (13),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Novembru 2019 dwar id-differenzi bejn il-liġijiet dwar l-insolvenza tal-banek u dwar l-armonizzazzjoni potenzjali tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus (14),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-ABE tat-8 ta' Awwissu 2019 dwar l-eliġibbiltà tad-depożiti, il-livell ta' kopertura u l-kooperazzjoni bejn l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD), tat-30 ta' Ottubru 2019 dwar ħlasijiet ta' garanzija tad-depożiti u tat-23 ta' Jannar 2020 dwar l-iffinanzjar tal-iskema ta' garanzija tad-depożitu u l-użu tal-fondi tal-iskema ta' garanzija tad-depożitu,

wara li kkunsidra l-Opinjoni Konġunta tal-ASE tal-4 ta' Ottubru 2019 dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-settur finanzjarju tal-Unjoni Ewropea (15),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Novembru 2019 dwar l-għażliet u d-diskrezzjonijiet nazzjonali taħt id-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti u t-trattament tagħhom fil-kuntest ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti,

wara li kkunsidra l-ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT),

wara li kkunsidra l-irtirar mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE (COM(2014)0043),

wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE ta' Novembru 2019 dwar l-NPLs – progress li sar u sfidi futuri (16),

wara li kkunsidra r-rieżami tal-istabbiltà finanzjarja tal-BĊE ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra l-parir konġunt tal-ASE lill-Kummissjoni Ewropea tal-10 ta' April 2019 dwar il-ħtieġa ta' titjib relatat mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE (17),

wara li kkunsidra r-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2018 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-ABE tad-29 ta' Ottubru 2019 dwar impedimenti potenzjali għall-għoti transfruntier tas-servizzi bankarji u ta' pagament (18),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0026/2020),

A.

billi Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar stabbli, kompetittiva u konverġenti teħtieġ Unjoni Bankarja solida u Unjoni tas-Swieq Kapitali aktar żviluppata u sikura, kif ukoll il-ħolqien ta' Strument Baġitarju;

B.

billi t-tlestija tal-Unjoni Bankarja hija kontributur vitali għall-perċezzjoni internazzjonali tal-euro u għar-rwol akbar tiegħu fis-swieq globali;

C.

billi r-riskji negattivi għat-tkabbir ekonomiku globali u taż-żona tal-euro żdiedu, b'mod partikolari mit-tifqigħa globali tal-pandemija tal-COVID-19, u qed ikomplu joħolqu sfidi ta' stabbiltà finanzjarja;

D.

billi l-Unjoni Bankarja tibqa' mhux kompluta sakemm ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) u Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja;

E.

billi suq li jiffunzjona tajjeb għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur huwa importanti kemm għall-ekonomija kif ukoll għaċ-ċittadini tal-UE;

F.

billi l-Unjoni Bankarja għad m'għandhiex għodod effikaċi biex tindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw il-konsumaturi: kumplessità artifiċjali, prattiki kummerċjali żleali, esklużjoni ta' gruppi vulnerabbli mill-użu ta' servizzi bażiċi kif ukoll involviment limitat tal-awtoritajiet pubbliċi;

G.

billi, minkejja t-tnaqqis globali tas-self improduttiv (NPLs) f'dawn l-aħħar snin, il-livell ta' NPLs f'xi istituzzjonijiet finanzjarji għadu għoli;

H.

billi l-għoti lill-BĊE tar-responsabbiltà għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti kien suċċess; billi l-BĊE jista' jeżerċita, fejn ikun meħtieġ, kompiti superviżorji fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati u l-fergħat kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti;

I.

billi l-iżvilupp tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM), li għandu l-għan li jiżgura regoli u proċeduri uniformi u proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għar-riżoluzzjoni xierqa ta' banek li qed ifallu b'impatt minimu fuq l-ekonomija reali, kien effiċjenti; billi, madankollu, għad fadal xi jsir sabiex jiġi evitat b'mod effikaċi li jkun hemm intervent iffinanzjat mill-kontribwenti f'banek li qed ifallu;

J.

billi l-iskandli riċenti tal-ħasil tal-flus fuq skala kbira li jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji fl-UE juru li s-superviżjoni prudenzjali u s-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus ma jistgħux jiġu trattati separatament u li hemm nuqqas ta' sistema xierqa ta' superviżjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

K.

billi s-settur bankarju Ewropew għadu fil-biċċa l-kbira l-fornitur ewlieni tal-finanzjament għall-kumpaniji, b'kuntrast ma' ġurisdizzjonijiet oħra, fejn is-swieq kapitali jirrappreżentaw sehem konsiderevoli ta' finanzjament lill-kumpaniji;

L.

billi aktar minn għaxar snin wara l-kriżi finanzjarja, il-problemi ikkaġunati minn stabbilimenti “kbar wisq biex ifallu” u “interkonnessi wisq biex ifallu” għadhom mhux qed jiġu indirizzati biżżejjed u għadhom taħt rieżami mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Ifakkar fil-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Unjoni Bankarja, b'mod speċifiku dwar it-tnaqqis tar-riskji; jenfasizza, madankollu, li għandu jsir aktar progress fil-kondiviżjoni tar-riskji kif ukoll fit-tnaqqis tar-riskji sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li għadhom jippersistu f'istituzzjonijiet speċifiċi;

2.

Ifakkar li l-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jissieħbu;

3.

Jilqa' l-appoġġ tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u tal-President tal-BĊE għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja u, b'mod aktar usa', l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, permezz, pereżempju tal-ħolqien ta' Strument Baġitarju biex tinkiseb Unjoni aktar stabbli, kompetittiva u konverġenti;

4.

Jenfasizza li l-Grupp tal-Euro la huwa istituzzjoni, la korp u lanqas aġenzija tal-Unjoni Ewropea iżda forum intergovernattiv informali ta' diskussjoni; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri għadhom jaġixxu barra mill-qafas Komunitarju, u b'hekk qed jipperikolaw ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur u d-dritt tiegħu ta' sorveljanza demokratika;

5.

Jenfasizza n-nuqqas ta' effikaċja tan-negozjati intergovernattivi li saru s'issa, b'mod partikolari dawk li jinvolvu l-Istrument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività u l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli tal-Unjoni Bankarja tal-Grupp tal-Euro; iħeġġeġ li jitkomplew in-negozjati f'kuntest miftuħ li jiggarantixxi involviment attiv tal-Parlament, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-UE; jissottolinja ż-żieda fil-protezzjoni ġudizzjarja li dawn il-bidliet iġibu magħhom, flimkien ma' rekwiżiti aktar stretti rigward it-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti;

6.

Jilqa' r-reżiljenza li żdiedet b'mod ġenerali tas-sistema bankarja Ewropea, kif attestat mill-Valutazzjoni tar-Riskju 2019 tal-ABE tas-Sistema Bankarja Ewropea; jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-banek żammew il-proporzjonijiet tal-kapital tagħhom stabbli u l-kwalità tal-assi tjiebet, kif rifless f'aktar tnaqqis tal-NPLs;

7.

Jenfasizza, madankollu, li l-livelli ta' profittabbiltà għadhom baxxi u li l-ambjent makroekonomiku qed jiddeterjora, b’mod partikolari fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, li tat lok għal sfidi bla preċedent għall-ekonomija globali, li affettwat il-kwalità tal-assi u, għalhekk, il-profittabbiltà tal-banek; jinnota wkoll li livell għoli ta' kompetizzjoni, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġija finanzjarja (FinTech), kif ukoll riskji operazzjonali ogħla minħabba d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, u n-nuqqas ta' integrazzjoni tas-swieq minħabba l-frammentazzjoni li fadal bejn l-Istati Membri, huma mistennija li joħolqu aktar sfidi għall-profittabbiltà tal-banek;

8.

Jinnota l-prospett attwali ta' riskju baxx u profittabbiltà baxxa fis-settur bankarju; jenfasizza l-fatt li r-rati tal-imgħax baxxi għadhom jippersistu bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni makroekonomika attwali; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u t-tensjonijiet ġeopolitiċi, inklużi l-effetti tal-Brexit, kif ukoll ir-riskji ċibernetiċi u s-sigurtà tad-data, huma fost l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur bankarju tal-UE, minbarra t-tibdil fil-klima u r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

9.

Jinnota li l-profittabbiltà tal-bank żdiedet b'mod stabbli mill-2012, b'redditu fuq l-ekwità li qabeż is-6 % mill-2017 'l hawn; jenfasizza, madankollu, li din l-evoluzzjoni ma tilħaqx l-ispiża stmata tal-kapital għall-biċċa l-kbira tal-banek; jissottolinja li l-ambjent ta' riskju baxx u ta' rata tal-imgħax baxxa wassal għal spejjeż aktar baxxi għal provvedimenti u telf; jirrimarka li dan mhuwiex, madankollu, titjib strutturali u li l-isfidi għall-profittabbiltà mhumiex mistennija li jonqsu fi żmien qasir; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu evalwati kontinwament il-livelli ta' finanzjament lill-ekonomija, u partikolarment lill-SMEs, li jiġu mis-sistema finanzjarja kollha kemm hi; jitlob valutazzjoni tal-impatt xierqa tar-regolamenti tal-passat u tal-futur biex jintlaħaq l-objettiv ta' finanzjament tal-ekonomija;

10.

Jenfasizza li l-provvista ta' kreditu u likwidità mill-banek għandha rwol deċiżiv fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi l-aktar severi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq in-nies fl-UE; jinnota, f'dan il-kuntest, il-miżuri leġiżlattivi u superviżorji li ġew proposti jew adottati biex jiġi żgurat li, matul din il-kriżi, il-banek jibqgħu jsellfu; jilqa' l-flessibbiltà mogħtija lill-banek fir-rigward tat-trattament prudenzjali tas-self, l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabbiltà, u r-rilaxx tal-buffers kapitali; jenfasizza li kwalunkwe eżenzjoni mogħtija għandha tkun disponibbli b'mod sħiħ biex jiġu appoġġjati l-klijenti tal-banek, il-familji u d-ditti; jappoġġja l-azzjonijiet li ħadu s-superviżuri bankarji biex jintroduċu restrizzjonijiet temporanji qawwija fuq il-ħlas ta' dividendi u bonusijiet u x-xiri lura ta' ishma proprji mill-banek;

11.

Jissottolinja r-rwol kruċjali tas-settur bankarju li jwassal fondi fl-ekonomija reali, u partikolarment f'investimenti sostenibbli u soċjalment responsabbli, b'tali mod li jrawwem it-tkabbir u l-impjiegi u jippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li ma jipperikolax l-istabbiltà finanzjarja;

12.

Jilqa', f'dan ir-rigward, il-ftehim politiku milħuq bir-Regolament dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli; jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju sabiex jiġu riflessi aħjar l-obbligi ta' rapportar u ta' divulgazzjoni relatati mal-ESG;

13.

Huwa mħasseb li l-vulnerabbiltajiet tal-banek għar-riskji relatati mal-klima jistgħu ma jinfehmux b'mod sħiħ u jilqa' l-impenji tal-ABE li tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar ir-riskju tal-klima fil-valutazzjoni tar-riskju annwali tagħha u li tintroduċi testijiet tal-istress tat-tibdil fil-klima; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' żvelar u valutazzjoni tar-riskju adegwati;

14.

Jistieden, barra minn hekk, lill-banek Ewropej kollha biex jiffirmaw il-Prinċipji għar-Responsabbiltà Bankarja mmexxija min-NU u, konsegwentement, jirrapportaw kull sena dwar l-isforzi tagħhom favur l-implimentazzjoni tal-finanzjament sostenibbli u t-tnaqqis tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima fil-karti tal-bilanċ tagħhom; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-settur bankarju biex isegwu u, fejn possibbli, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Prinċipji għar-Responsabbiltà Bankarja, in-Network Bankarju Sostenibbli u n-Network tal-Banek Ċentrali u s-Superviżuri favur l-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja;

15.

Jitlob li jiġu stabbiliti standard għall-UE kollha fir-rigward tal-bonds ekoloġiċi u d-definizzjoni ta' qafas favorevoli għall-iżvilupp ta' tali bonds sabiex jissaħħu t-trasparenza, l-effikaċja u l-kredibbiltà tal-investimenti sostenibbli;

16.

Jieħu nota tal-ħidma tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) rigward ir-riskju sovran; jenfasizza li l-qafas regolatorju tal-UE dwar it-trattament prudenzjali tad-dejn sovran għandu jkun konsistenti mal-istandards internazzjonali; jitlob li jsiru aktar diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta' ass Ewropew sikur, abbażi ta' evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kummissjoni dwar il-proposta ta' titoli koperti minn bonds sovrani (SBBS) u żviluppi possibbli, sabiex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji u l-banek ikunu jistgħu jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom;

17.

Jissottolinja l-fatt li s-swieq finanzjarji huma interrelatati b'mod qawwi; jisħaq fuq l-importanza tat-tħejjija tas-superviżuri bankarji għall-eżiti kollha possibbli tal-Brexit, filwaqt li jitqies li din tikkomplementa t-tħejjija tal-atturi privati nfushom; jilqa' l-azzjonijiet sinifikanti kollha u l-kooperazzjoni s'issa; jieħu nota tal-prattika tad-ditti tar-Renju Unit li jistabbilixxu fergħat fl-UE sabiex ikomplu jipprovdu s-servizzi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-riskju ta' arbitraġġ regolatorju minħabba l-applikazzjoni differenti tar-regoli f'kull Stat Membru; iqis, għalhekk, li hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju u biex jiġi żgurat li r-riskji jiġu indirizzati b'mod xieraq; jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi fir-regolamenti finanzjarji bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit u l-ħtieġa li tiġi evitata tellieqa regolatorja għall-qiegħ;

18.

Itenni l-impenji li l-UE wettqet b'mod konġunt mar-Renju Unit skont id-Dikjarazzjoni Politika riveduta; jimpenja ruħu li jżomm kooperazzjoni mill-qrib u strutturata dwar kwistjonijiet regolatorji u superviżorji, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku;

19.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-maġġoranza l-kbira tal-gvernijiet tal-UE s'issa naqsu milli jiżguraw bilanċ sħiħ bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' ħatriet ta' livell għoli f'affarijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jaħdmu b'mod attiv favur il-bilanċ bejn is-sessi fil-proposti futuri tagħhom għal listi mqassra u għal ħatriet, u jagħmlu sforz biex jinkludu tal-inqas kandidat mara waħda u kandidat raġel wieħed għal kull proċedura ta' nomina; itenni r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rispett tal-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi fil-listi li ġejjin tal-kandidati;

20.

Jenfasizza l-importanza li titlesta l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li tikkomplementa l-Unjoni Bankarja fil-finanzjament tal-ekonomija reali; jenfasizza, barra minn hekk, li Unjoni tas-Swieq Kapitali integrata bis-sħiħ flimkien ma' Unjoni Bankarja kompluta tippermetti l-kondiviżjoni tar-riskju pubbliku u privat, u ssaħħaħ ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro kif ukoll ittejjeb aktar il-kompetittività tas-swieq Ewropej u tippromwovi l-investiment privat sostenibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi li jevitaw l-iżvantaġġi għall-SMEs f'termini ta' aċċess għall-finanzi, u l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat b'attenzjoni l-ħruġ ta' prodotti titolizzati;

Superviżjoni

21.

Jilqa' l-progress li sar fis-settur bankarju fit-tnaqqis tar-riskji u ż-żieda tal-istabbiltà finanzjarja; jinnota, madankollu, li għad hemm fraġilitajiet f'istituzzjonijiet speċifiċi u li jeħtieġ isir aktar progress; ifakkar fl-għanijiet tal-Unjoni Bankarja li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, u trawwem suq tassew uniku, kundizzjonijiet ekwi u prevedibbiltà għall-atturi tas-suq;

22.

Iqis, madankollu, li l-qafas superviżorju attwali ffoka primarjament fuq skoperturi ta' riskju tal-kreditu, għad-detriment ta' skoperturi għar-riskju tas-suq relatati ma' titoli illikwidi, inklużi derivattivi; iħeġġeġ it-teħid ta' miżuri adegwati li jsaħħu r-rieżami tal-kwalità tal-assi, u jilqa', f'dan ir-rigward, l-inklużjoni tal-istrumenti tal-livell 2 u tal-livell 3 fil-kamp ta' applikazzjoni tat-testijiet tal-istress tal-2018; itenni t-talba tiegħu lill-MSU biex jinkludi fost il-prijoritajiet superviżorji ewlenin tiegħu t-tnaqqis ta' dawn l-istrumenti finanzjarji kumplessi u illikwidi, inklużi d-derivattivi;

23.

Jilqa' l-isforzi li saru biex jissaħħaħ is-settur finanzjarju u jitnaqqsu l-NPLs fil-livell Ewropew u l-miżuri ta' tnaqqis tar-riskju miksuba fil-Pakkett Bankarju reċenti; jinnota li l-proporzjon tal-NPLs miżmum minn istituzzjonijiet sinifikanti waqa' b'aktar minn nofs mill-bidu tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, f'Novembru 2014, sa Ġunju 2019; jenfasizza li l-medja ta' self improduttiv fiż-żona tal-euro kienet ta' 2,9 % f'Settembru 2019, li niżlet minn 6,5 % f'Diċembru 2014; jilqa' dan il-progress sinifikanti; jirrimarka li l-livell ta' self improduttiv għadu għoli f'ċerti istituzzjonijiet u li huma meħtieġa aktar sforzi biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata; jieħu nota tal-ħidma leġiżlattiva li għaddejja dwar id-direttiva għas-servizzjanti tal-kreditu u għax-xerrejja tal-kreditu, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal self u l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' infurzar extraġudizzjarju (AECE) jinkludu protezzjoni xierqa għall-konsumatur;

24.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-konsumaturi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet tal-NPLs; jinnota l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (2014/17/UE); jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri biex jiżguraw li l-mutwatarji, li jistgħu jkunu f'sitwazzjonijiet finanzjarji li huma diġà vulnerabbli, ma jkunux soġġetti għal trattament u prattiki aggressivi u inġusti minn min jixtri u jiġbor id-dejn li ftit li xejn ikun regolat sewwa; jistieden lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, biex tistabbilixxi dispożizzjonijiet aktar ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-mutwatarji minn prattiki abbużivi, filwaqt li tiżgura li dawk id-drittijiet japplikaw b'mod ugwali għal self eżistenti u dak futur;

25.

Jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward tat-tariffi bankarji u t-trasparenza tal-ispejjeż tal-prodotti, il-profittabbiltà u r-riskji; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-ABE tiddedika aktar attenzjoni biex twettaq il-mandat tagħha rigward il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar xieraq tax-xejriet tal-konsumaturi, kif ukoll rigward ir-rieżami u l-koordinazzjoni ta' inizjattivi dwar il-litteriżmu finanzjarju u l-edukazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti;

26.

Jinnota li l-kriżijiet bankarji reċenti wrew li l-istituzzjonijiet ta' kreditu biegħu b'mod inadatt bonds u prodotti finanzjarji oħra lil klijenti fil-livell tal-konsumaturi; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni jinfurzaw vigorożament id-dispożizzjonijiet tal-BRRD li għadhom kif ġew introdotti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-kwistjoni tal-bejgħ inadatt ta' prodotti finanzjarji minn istituzzjonijiet bankarji;

27.

Jistieden lill-ASE jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat tagħhom biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż, fejn xieraq, is-setgħat ta' intervent fuq il-prodotti fejn il-prodotti finanzjarji u ta' kreditu jkunu rriżultaw fi ħsara jew li x'aktarx ikunu se jirriżultaw fi ħsara għall-konsumatur;

28.

Jinnota li diġà beda xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-istandards finali ta' Basel III; jenfasizza li l-istandards tal-BCBS għandhom jiddaħħlu fid-dritt Ewropew fil-ħin u bir-rispett dovut għall-miri tagħhom, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema bankarja Ewropea, fejn xieraq, u l-prinċipju tal-proporzjonalità; iwissi li, minħabba d-diversità tal-mudelli bankarji madwar l-UE, soluzzjoni ta' universalità (“waħda tajba għal kulħadd”) tista' ma tkunx adattata għas-suq Ewropew; jissottolinja li l-kompetittività u l-istabbiltà finanzjarja tas-settur bankarju tal-UE għandhom jiġu żgurati u l-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-ekonomija, b'mod partikolari l-SMEs, m'għandhiex issirilha ħsara; huwa konvint li istituzzjonijiet finanzjarji vijabbli u kapitalizzati tajjeb huma meħtieġa għall-finanzjament sod tal-ekonomija tal-UE u għal Unjoni Bankarja stabbli; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar il-finalizzazzjoni ta' Basel III u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li hemm fiha meta tabbozza l-proposti leġiżlattivi ġodda;

29.

Jieħu nota tal-importanza tal-ħtieġa li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-mudelli interni u li dawn jiġu evalwati kontinwament, sabiex jiġi żgurat li jkunu affidabbli u robusti; jieħu nota tal-konstatazzjonijiet tar-rieżami speċifiku tal-mudelli interni (TRIM) imwettaq mill-BĊE; jistieden lill-banek itejbu l-użu u l-implimentazzjoni tagħhom tal-mudelli interni tagħhom kif xieraq;

30.

Huwa mħasseb li l-ABE wissiet li mhijiex se twettaq il-proposti tagħha għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal istituzzjonijiet żgħar sal-iskadenza stabbilita mill-koleġiżlaturi fil-Pakkett Bankarju;

31.

Ifakkar li l-istandards mogħtija mill-fora internazzjonali għandhom jevitaw il-frammentazzjoni regolatorja u jgħinu biex jippromwovu l-kundizzjonijiet ekwi għall-banek attivi kollha fil-livell internazzjonali;

32.

Jinnota li fir-rapport tagħha li jivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tas-settur bankarju tal-UE, l-ABE tindika li hemm differenzi fl-applikazzjoni u fl-issettjar tal-buffer O-SII fost l-Istati Membri; jappella, għalhekk, għal aktar armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-bafers tal-kapital fl-UE kollha sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi;

33.

Jilqa' l-ftehim dwar Memorandum ta' Qbil bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-mandati rispettivi tagħhom;

34.

Jitlob aktar standards ta' trasparenza fis-superviżjoni bankarja, pereżempju fl-eżiti tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tas-swieq kapitali u finanzjarji, il-kumpaniji u ċ-ċittadini, sabiex tiġi żgurata konsistenza fit-trattament madwar l-Istati Membri; jilqa' l-iskambju ta' informazzjoni mtejjeb u rfinut bejn l-istituzzjonijiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni;

35.

Jinnota li t-teknoloġiji finanzjarji innovattivi qed jittrasformaw b'mod profond is-settur finanzjarju, inklużi s-servizzi bankarji u ta' pagament, u jilqa' l-effiċjenza u l-firxa usa' ta' għażliet li dawn joffru lill-konsumaturi fis-suq; jappoġġja n-newtralità teknoloġika bħala prinċipju ta' gwida u jinkoraġġixxi l-investimenti fit-teknoloġija finanzjarja;

36.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati minn dawn it-teknoloġiji ġodda, bħall-iżgurar ta' mudelli ta' negozju sostenibbli li jkunu interoperabbli bejn il-fruntieri, kundizzjonijiet ekwi f'termini ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, u ċibersigurtà; jissottolinja r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jiżguraw il-protezzjoni tad-data tal-klijenti u s-sigurtà tagħhom, f'konformità mad-dritt tal-UE; jinnota wkoll id-dipendenza dejjem tikber tas-settur bankarju fuq il-cloud computing u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispondi għall-parir konġunt tal-ASE dwar il-ħtieġa għal titjib leġiżlattiv rigward ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji tal-ICT fis-settur finanzjarju tal-UE; itenni li qafas leġiżlattiv ibbilanċjat u ċertezza tad-dritt jistgħu jtejbu ambjent li huwa suxxettibbli għall-innovazzjoni mingħajr ma tiġi mminata l-istabbiltà finanzjarja;

37.

Jirrikonoxxi l-kontribut li s-settur ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux mill-banek, li qabel kien magħruf bħala sistema bankarja parallela (shadow banking), jista' jagħmel biex ikompli jiddiversifika l-kanali ta' finanzjament lejn l-ekonomija; jenfasizza, madankollu, li hemm interkonnettività konsiderevoli bejn is-settur ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarju u s-settur bankarju “tradizzjonali”, li tqajjem tħassib ta' riskju sistematiku minħabba n-nuqqas ta' regolamentazzjoni xierqa u s-superviżjoni tiegħu;

38.

Jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm azzjoni kkoordinata biex tindirizza dawn ir-riskji, inkluż l-istabbiliment ta' għodda makroprudenzjali u l-operazzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-għodod eżistenti biex jiġġieldu t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja maħluq mir-rwol dejjem akbar tas-sistema ta' intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja; iqis li huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżiti prudenzjali dwar skoperturi kbar b'mod partikolari għal intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja humiex suffiċjenti biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja; jissottolinja ulterjorment ir-riskji enfasizzati mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fil-Monitoraġġ tar-Riskju tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja mhux bankarja tal-UE tal-2019, bħal dawk li ġejjin mit-trasformazzjoni tal-likwidità, it-teħid tar-riskju u l-ingranaġġ li jaffettwaw is-settur b'mod usa';

39.

Jilqa' l-ftehim dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML) u l-finanzjament tat-terroriżmu (CFT); ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus; jilqa' d-dokument ta' pożizzjoni konġunta tat-8 ta' Novembru 2019, imħejji minn diversi ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro, li jitlob l-armonizzazzjoni tal-qafas regolatorju Ewropew dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

40.

Ifakkar li biex l-isforzi AML/CFT ikunu effikaċi, l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jaġixxu b'manjiera kkoordinata; jissottolinja li s-superviżjoni prudenzjali u kontra l-ħasil tal-flus jeħtieġ tkun allinjata aħjar; ifakkar fit-tħassib serju tiegħu dwar il-frammentazzjoni regolatorja u superviżorja fil-qasam AML/CFT, li naqset milli tipprovdi sorveljanza u reazzjonijiet adegwati għan-nuqqasijiet tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, u xxekkel il-kapaċità tagħhom li jossorveljaw l-attività transfruntiera dejjem tiżdied fl-UE;

41.

Huwa konvint li l-MSU wkoll għandu rwol fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u jilqa' t-twaqqif ta' unità dedikata kontra l-ħasil tal-flus; jinnota b'mod partikolari l-kumplessità tat-twettiq tal-valutazzjoni tal-adegwatezza importanti tal-maniġment superjuri tal-banek minħabba t-traspożizzjoni diversa ħafna tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-integrazzjoni tar-rekwiżiti “ta' kompetenza u idoneità” fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital;

42.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2019, li jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex tesplora modi kif tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u jiġu kkonferiti kompiti ta' AML lil korp tal-UE, u biex ċerti partijiet tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus jinbidlu f'Regolament, biex tiġi żgurata ġabra unika tar-regoli; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika tal-Unjoni komprensiva dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li tiddeskrivi l-proposti biex tarmonizza aktar il-ġabra tar-regoli tal-AML/CFT, u tindirizza b'mod effikaċi r-riskji maħluqa minn attività transfruntiera illegali għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' korp ġdid tal-UE;

43.

Jirrikonoxxi li jeħtieġ li tittieħed azzjoni legali u superviżorja biex jiġu indirizzati r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu maħluqa minn kriptoassi; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar valutazzjonijiet tal-impatt dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jirriżultaw minn vulnerabbiltajiet maħluqa mill-użu jiżdied ta' teknoloġiji ġodda minn istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji, u l-firxa rapida ta' kriptoassi fid-dawl tan-nuqqas ta' reġim regolatorju komuni u l-anonimità assoċjata ma' dawk l-assi;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2020 tevalwa l-qagħda attwali tas-suq tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, biex tivvalutaha f'termini ta' kompetizzjoni, asimmetriji ta' informazzjoni u trasparenza għas-swieq; jinnota li l-klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà bbażati fuq kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) jistgħu jsiru komplement importanti għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu; jenfasizza l-importanza tal-istandardizzazzjoni fil-kriterji għall-klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà u li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' suq għall-għoti ta' klassifikazzjonijiet tas-sostenibbiltà jkun kompetittiv u ma jkunx ikkonċentrat b'numru limitat ta' fornituri;

45.

Jiddikjara l-ħtieġa ta' sforzi biex l-attività tas-suq finanzjarju ssir aktar konsistenti mal-objettivi ta' sostenibbiltà u l-kriterji ESG, filwaqt li jiġi sottolinjat ir-rwol ċentrali tal-ASE f'dawn l-objettivi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-ABE, f'koordinazzjoni mal-BERS, tieħu passi lejn metodoloġija komuni biex tkejjel l-intensità tar-riskji tal-klima li l-istituzzjonijiet finanzjarji huma esposti għalihom, inklużi riskji relatati mad-deprezzament tal-assi f'każ ta' bidliet fit-trattament regolatorju li jirriżultaw mill-mitigazzjoni u l-adattament tal-tibdil fil-klima, l-impatt makroekonomiku ta' tibdil għal għarrieda fl-użu tal-enerġija u żieda fl-inċidenza ta' katastrofi naturali;

Riżoluzzjoni

46.

Jilqa' l-fatt li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BUR) ma kienx meħtieġ jieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni fl-2019; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar is-segwitu xieraq għar-rapport tagħha stess dwar l-implimentazzjoni tal-BRRD u l-SRMR ta' April 2019; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrieżamina jekk il-leġiżlazzjoni hijiex adegwata biex tiżgura li l-banek kollha jkunu jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu riżolti mingħajr il-ħtieġa ta' flus il-kontribwenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rieżami tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja tal-leġiżlazzjoni dwar l-istabbilimenti “kbar wisq biex ifallu” u tindirizza n-nuqqasijiet potenzjali, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardja tad-depożiti fil-livell tal-konsumaturi;

47.

Jistieden lill-BUR ilesti l-proċess li jistabbilixxi pjanijiet ta' riżoluzzjoni u janalizza jekk il-banek kollha rilevanti għandhomx biżżejjed MREL; jinnota li l-BUR ma jiżvelax regolarment sa liema punt il-bank jikkonformaw mal-miri tal-MREL;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-potenzjal ta' armonizzazzjoni ulterjuri ta' aspetti speċifiċi tal-liġijiet nazzjonali eżistenti dwar l-insolvenza u tivvaluta sa liema punt tali armonizzazzjoni ulterjuri hija meħtieġa biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti u effikaċi tal-qafas ta' ġestjoni tal-kriżijiet; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD), biex tiċċara l-prinċipju tal-inqas kost skont id-DSGD;

49.

Jappella biex issir aktar riflessjoni dwar il-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-ħtieġa li tiġi vvalutata l-applikabbiltà tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 (19); jinnota l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u l-applikazzjoni konsistenti tat-test ta' interess pubbliku;

50.

Jinnota r-rwol importanti li l-miżuri ta' intervent bikri jista' jkollhom fil-prevenzjoni ta' fallimenti u kriżijiet tal-banek; jinnota, madankollu, li r-rekwiżiti għall-użu tal-miżuri ta' intervent bikri jikkoinċidu ma' wħud mill-miżuri ta' intervent standard tal-BĊE; jenfasizza li f'każijiet bħal dawn, il-miżuri ta' intervent standard jingħataw preferenza; iqis, għalhekk, li din is-sovrapożizzjoni għandha titneħħa bil-kjarifika suffiċjenti tal-bażi ġuridika għal kull strument, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni gradwali tal-miżuri;

51.

Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro dwar “ftehim fil-prinċipju” relatat mar-riforma tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u t-termini ta' referenza tiegħu; jappella għall-ħolqien tal-garanzija ta' kontinġenza għall-SRF u l-operazzjonalizzazzjoni rapida tagħha; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmu fl-Unjoni Bankarja li jiżgura li l-likwidità tkun tista' tiġi pprovduta lil bank f'każ ta' riżoluzzjoni sabiex jiżgura l-kontinwità bla xkiel tas-servizzi u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, u jistieden lill-Kummissjoni tipprova tindirizza dan il-vojt mingħajr aktar dewmien;

52.

Jisħaq fuq il-fatt li l-banek jeħtiġilhom ikunu kapaċi joperaw bejn il-fruntieri filwaqt li jimmaniġġjaw il-kapital u l-likwidità tagħhom f'livell konsolidat, sabiex jiddiversifikaw ir-riskji tagħhom u jindirizzaw kwalunkwe nuqqas ta' profittabbiltà; jenfasizza l-fehma tiegħu li r-regoli għandhom jippermettu flessibbiltà akbar għall-kumpanija prinċipali f'dan ir-rigward, filwaqt li jipprevedu mekkaniżmi kredibbli u infurzabbli li jeħtieġu, f'każ ta' kriżi, li l-kumpanija prinċipali (entità ta' riżoluzzjoni) tipprovdi kapital, MREL u likwidità lis-sussidjarji li jinsabu f'pajjiż ospitanti fi ħdan l-Unjoni Bankarja;

Assigurazzjoni tad-depożiti

53.

Jiddikjara li l-Unjoni Bankarja għadha nieqsa mit-tielet pilastru tagħha; iħeġġeġ it-tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz tal-ħolqien ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti implimentata bis-sħiħ, biex jiġu protetti d-depożitanti kontra t-tfixkil bankarju, tiġi żgurata l-fiduċja fost id-depożitanti u l-investituri madwar l-Unjoni Bankarja u tiġi msaħħa mill-ġdid l-istabbiltà tal-euro kollha kemm hi; jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kondiviżjoni tar-riskji u ta' tnaqqis ulterjuri tar-riskji fl-istituzzjonijiet speċifiċi;

54.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jibda n-negozjati dwar l-EDIS mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jiżgura qafas koerenti bid-DGSD sabiex jintlaħaq l-objettiv li tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-qafas ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali li jiffunzjonaw fil-kuntest tal-EDIS;

56.

Jieħu nota tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-EDIS stabbilit f'Jannar 2019 biex jirrapporta lill-Grupp tal-Euro, inkluż titjib ulterjuri għall-qafas ta' ġestjoni tal-kriżijiet għall-banek; huwa mħasseb li l-Parlament ma nżammx infurmat dwar diskussjonijiet li qed isiru fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-EDIS, li jirrapporta lill-Grupp tal-Euro; jinnota li l-Kummissjoni hija parteċipant fil-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli u jfakkar fl-Artikolu 9 tal-Ftehim Qafas tal-2010 li jinkludi l-obbligu għall-Kummissjoni li tiggarantixxi trattament ugwali, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet leġiżlattivi, bejn il-Parlament u l-Kunsill;

o

o o

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-ABE, lill-BĊE, lill-BUR, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2019)0030.

(2)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 45.

(3)  https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/publications/annual-report/pdf/ssm.ar2018~927cb99de4.en.pdf?eacb68897aba01af07abf90319758ded

(4)  https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/reports/nbfi_monitor/esrb.report190717_NBFImonitor2019~ba7c155135.en.pdf?aad1f4a011a6d589537645242475aa89

(5)  https://eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Risk%20Analysis%20and%20Data/Risk%20Assessment%20Reports/2019/Risk%20Assessment%20Report_November%202019.PDF

(6)  JC 2018 74.

(7)  ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.

(8)  https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/legal/pdf/memorandum_of_understanding_between_the_eca_and_the_ecb_regarding_the_ecbs_supervisory_tasks.pdf

(9)  “Rapport Speċjali Nru 10/2019: Testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha: inġabar ammont kbir ta' informazzjoni dwar il-banek, iżda jinħtieġu koordinazzjoni aħjar u fokus akbar fuq ir-riskji”, Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-10 ta' Lulju 2019, https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=50393

(10)  Stqarrija għall-istampa, “ECB revises supervisory expectations for prudential provisioning for new non-performing loans to account for new EU regulation” (Il-BĊE jirrevedi l-aspettattivi superviżorji għall-proviżjonament prudenzjali għal self improduttiv biex jieħu inkunsiderazzjoni r-regolament ġdid tal-UE), it-22 ta' Awwissu 2019, https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2019/html/ssm.pr190822~f3dd1be8a4.en.html

(11)  ESMA 33-9-321.

(12)  Serje ta' Dokumenti ta' Diskussjoni/7, Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, Ottubru 2019.

(13)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 24.

(14)  Testi adottati, P9_TA(2019)0022.

(15)  JC 2019 59.

(16)  https://eba.europa.eu/file/233465/download?token=xH5hxq39

(17)  JC 2019 26, https://eba.europa.eu/file/102634/download?token=ZR98JZp8

(18)  https://eba.europa.eu/file/178124/download?token=7fFsD9og

(19)  ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/55


P9_TA(2020)0169

Turiżmu u trasport fl-2020 u lil hinn

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-trasport u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn (2020/2649(RSP))

(2021/C 362/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-turiżmu huwa attività ekonomika trasversali b'impatt mifrux fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali u sostenibbli;

B.

billi s-settur tat-turiżmu jimpjega 22,6 miljun ruħ, jiġifieri 11,2 % tal-impjiegi totali tal-UE, ikkontribwixxa 9,5 % għall-PDG tal-UE fl-2019, jgħin biex jippromwovi struttura reġjonali bbilanċjata, u għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali; jinnota li mill-inqas 6,4 miljun impjieg fl-UE jinsabu f'riskju;

C.

billi t-turiżmu, u speċjalment it-turiżmu eċċessiv, bħall-attivitajiet kollha tal-bniedem, għandu impatt fuq it-tibdil fil-klima, kif ukoll impatti ambjentali u ekonomiċi bħal żieda fit-tniġġis, telf tal-bijodiversità, konġestjoni, spejjeż tal-manutenzjoni tal-infrastruttura u żieda fil-prezzijiet; billi, madankollu, is-settur huwa impenjat li jħaffef il-progress lejn żvilupp turistiku sostenibbli u li jiżgura li dan jikkontribwixxi għall-miri klimatiċi Ewropej u internazzjonali permezz ta' inizjattivi mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet;

D.

billi t-turiżmu huwa magħmul minn katina tal-valur kumplessa li tinvolvi ħafna partijiet ikkonċernati b'rabta diretta mal-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri;

E.

billi, fost is-setturi ekonomiċi ewlenin kollha, is-setturi tat-trasport, tal-kultura u tat-turiżmu kienu dawk li ġew affettwati l-agħar mill-COVID-19, b'qgħad fuq skala kbira li jaffettwa, b'mod partikolari, il-ħaddiema staġunali u dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;

F.

billi s-siti u l-postijiet kulturali, il-festivals u l-mużewijiet ġew milquta partikolarment ħażin mill-kriżi tas-saħħa, u erba' minn kull għaxar turisti jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom abbażi ta' xi jkollha x'toffri f'termini ta' kultura;

G.

billi bl-adozzjoni tal-komunikazzjoni dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550) u l-Pakkett dwar it-Turiżmu u t-Trasport fit-13 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass li kien hemm bżonn biex tappoġġja l-irkupru tas-setturi prezzjużi tagħna tat-trasport u t-turiżmu mit-tifqigħa tal-COVID-19;

H.

billi għaddew għaxar snin mindu l-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni bit-titlu “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat- turiżmu Ewropew” (COM(2010)0352) f'Ġunju 2010, li stabbiliet strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu tal-UE;

I.

billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, l-UE ngħatat kompetenzi ta' appoġġ bil-ħsieb li tikkoordina u tikkomplementa l-azzjoni mill-Istati Membri f'dan il-qasam (1);

Il-pjanijiet ta' rkupru tat-turiżmu u t-trasport Ewropej wara t-tifqigħa tal-COVID-19

1.

Jemmen li huma meħtieġa kemm appoġġ rapidu fuq terminu qasir kif ukoll appoġġ fuq terminu twil lis-setturi tat-trasport u t-turiżmu sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li miżuri ta' implimentazzjoni li jagħtu lit-turisti l-fiduċja li jerġgħu jivvjaġġaw lejn l-Ewropa u fi ħdanha huma fundamentali biex jitnaqqas kemm jista' jkun it-telf addizzjonali fis-settur, kif ukoll għas-sostenibbiltà aktar fit-tul tiegħu; jisħaq li l-kriżi attwali tirrappreżenta wkoll opportunità storika biex jiġi mmodernizzat it-turiżmu fl-UE u jsir aktar sostenibbli u aktar aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, filwaqt li jibda jitqies bħala ekosistema industrijali b'miri ta' investiment, kapital uman, ħtiġijiet ta' innovazzjoni teknoloġika u indikaturi tal-prestazzjoni, kif ukoll settur ewlieni li jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi l-ġodda ta' newtralità klimatika għall-2050;

2.

Jissottolinja li fil-kriżi attwali, meta ħafna kumpaniji tat-trasport qed jitħabtu biex iżommu fil-wiċċ, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm aktar investiment fl-infrastruttura tat-trasport strateġiku fil-livell tal-UE; jisħaq, barra minn hekk, li l-pjanijiet ta' rkupru għat-trasport, flimkien ma' appoġġ immirat lejn is-salvagwardja tas-setturi tat-trasport eżistenti, għandhom ikunu ffukati fuq opportunitajiet ta' tkabbir innovattivi;

3.

Jilqa' l-komunikazzjoni bit-titlu “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19” adottata mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett, u l-proposta għal approċċ b'fażijiet u kkoordinat, bl-għan li nerġgħu lura għall-moviment liberu tal-persuni, mingħajr restrizzjonijiet; jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex tiġi definita r-rata ta' livell ta' trażmissjoni baxx biżżejjed, u li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' tali rata fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-hekk imsejjaħ “rilanċ tat-turiżmu” b'rakkomandazzjoni li tagħmel enfasi fuq “turiżmu sostenibbli”, u li n-negozji u d-destinazzjonijiet iċċertifikati b'mod kredibbli jsiru l-protagonisti ta' vjaġġar u turiżmu li jirrispettaw l-ambjent, ikunu soċjalment responsabbli u jkunu b'saħħithom ekonomikament; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tiżgura l-fluss kontinwu ta' prodotti fl-UE kollha – b'mod speċjali ikel u apparat mediku – u l-inizjattivi kollha mmirati biex jiżguraw il-funzjonament sħiħ tas-suq intern tal-UE mingħajr kontrolli u dewmien mhux ġustifikati;

4.

Itenni l-importanza tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fit-tneħħija progressiva ta' restrizzjonijiet domestiċi u transfruntiera, kif ukoll tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE, u jenfasizza l-importanza li jiġu evitati ftehimiet bejn Stati Membri individwali (l-hekk imsejħa kurituri turistiċi), li jkomplu jkollhom impatt fuq l-ekonomija ta' dawk l-Istati Membri li ġew affettwati partikolarment mill-kriżi tas-saħħa, u notevolment is-settur tat-turiżmu tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li diversi Stati Membri reċentement imponew miżuri unilaterali li jistgħu mhux biss ixekklu l-funzjonament tas-suq uniku u jkollhom impatt negattiv fuq il-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE, iżda jafu jkunu wkoll daqqa ta' ħarta ulterjuri għat-turiżmu u l-fiduċja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timpedixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri diskriminatorji u nonepidemjoloġiċi mill-Istati Membri, li jiskreditaw l-integrità taż-żona Schengen u jimpedixxu l-irkupru rapidu tal-industrija Ewropea tal-ivvjaġġar u t-turiżmu;

5.

Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-appoġġ u l-promozzjoni ta' żoni turistiċi fl-UE permezz ta', fost l-oħrajn, offerti attraenti għall-viżitaturi, dejjem jekk il-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi, soċjali u tas-saħħa fiż-żoni rispettivi jippermettuh; jemmen li huwa essenzjali li r-rekwiżiti kollha tas-saħħa, tal-iġjene u tas-sanità, bħall-miżuri tat-tbegħid soċjali, jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ kemm min-negozji kif ukoll mill-klijenti tagħhom, sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet sikuri għall-viżitaturi; jappella biex jiġu stabbiliti kriterji ta' valutazzjoni uniformi fl-UE sabiex jiġu indikati ż-żoni li jirrappreżentaw ambjenti sikuri għad-dħul u l-ħruġ tat-turisti; jappoġġja l-ħtieġa li jiġu infurzati u miżmuma l-ogħla livelli ta' sikurezza u sigurtà, li għalihom jistgħu jintużaw tekonoloġiji diġitali interoperabbli (pereżempju, sit web iddedikat tal-Kummissjoni, jew bl-użu ta' Hubs ta' Innovazzjoni Diġitali), bl-għan li tingħata għajnuna lill-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, u lit-turisti nfushom, waqt li jiġu rispettati d-drittijiet ta' privatezza u tal-protezzjoni tad-data tal-individwi; jenfasizza li għandha tiġi żviluppata sistema ta' twissija bikrija li twissi lit-turisti b'mod effiċjenti dwar kwalunkwe theddida potenzjali għas-saħħa fid-destinazzjoni tagħhom, biex il-protokolli ta' kwarantina u evakwazzjoni jkunu immedjati u effettivi;

6.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-vjaġġaturi internazzjonali għas-settur tat-turiżmu tagħna; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fil-fruntieri esterni tal-UE jistgħux jitneħħew, mingħajr ma jipperikolaw is-saħħa u s-sikurezza pubblika, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika f'kull pajjiż terz rispettiv u jaħdmu għar-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri protettivi kontra l-COVID-19, speċjalment fl-avjazzjoni, skont l-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u d-dokument konġunt mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bit-titolu “COVID-19 Aviation Guidelines for the management of air passengers and aviation personnel in relation to the COVID-19 pandemic” (Linji gwida tal-Avjazzjoni fil-kuntest tal-COVID-19 għall-ġestjoni tal-passiġġieri tal-ajru u l-persunal tal-avjazzjoni b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19) għal bidu mill-ġdid sikur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tagħhom;

7.

Jisħaq fuq l-importanza tal-ħaddiema transfruntiera u staġunali għall-forniment ta' servizzi fis-settur tat-turiżmu bħala komponenti ewlenin tal-isforz għall-irkupru ekonomiku, u jappella għal miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu l-mobilità tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, inkluża l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

8.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “COVID-19: Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività” kif ukoll il-gwida bbażata fuq qafas ta' prinċipji u sett ta' għodod komuni li jgħinu biex jerġgħu jibdew is-servizzi tat-trasport ta' kull xorta fl-UE kollha billi jittieħdu miżuri kkoordinati, nondiskriminatorji u proporzjonati;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqblu dwar miżuri temporanji, proporzjonati u nondiskriminatorji, li jkunu konformi mal-evidenza xjentifika, biex jiffaċilitaw tranżitu u ċaqliq sikuri bejn pajjiż u ieħor, abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju robusta, u f'konformità ma' standards internazzjonali definiti minn korpi bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jew iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC); jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat rikonoxximent reċiproku tal-miżuri li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE biex jerġa' jibda l-ivvjaġġar fl-UE u mad-dinja; jenfasizza, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konteniment, kif ukoll it-tnaqqis ta' dawn il-miżuri, ma jridu qatt iwasslu għal tnaqqis fil-livelli għolja tal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza u s-sigurtà fit-trasport;

10.

Jissottolinja li l-iskrinjar huwa mezz effikaċi biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus u tissaħħaħ il-fiduċja f'każijiet fejn ma jkunx possibbli li jsir it-tbegħid soċjali, dejjem jekk ikunu disponibbli metodi ta' skrinjar rapidi, affidabbli u affordabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-ECDC u mal-Istati Membri, regolarment tevalwa l-eżistenza ta' testijiet li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u, meta jkunu disponibbli, jitwettaq akkwist ikkoordinat biex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet u prezz possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-għodod ta' finanzjament kollha disponibbli biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu ttestjati mingħajr ħlas;

11.

Jenfasizza li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri għandhom jitneħħew għar-reġjuni, iż-żoni u l-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħhom qed titjieb u hija simili biżżejjed, ġaladarba jkunu ġew stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni tagħha; jisħaq li t-titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika huwa essenzjali biex jerġa' jkun hemm ivvjaġġar u t-trasport sikuri u biex jerġgħu jibdew is-servizzi turistiċi; jappella lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri, tesplora l-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-miżuri ta' skrinjar tas-saħħa bħal testijiet dijanjostiċi (pereżempju, testijiet seroloġiċi jew swabs) u kontrolli tat-temperatura tal-passiġġiera li jitilqu miċ-ċentri tat-trasport; jitlob li jiġu stabbiliti standards u protokolli dettaljati għal miżuri tal-iġjene komuni għad-diversi modi ta' trasport; iqis li kull operatur tat-trasport għandu japplika miżuri uniformi b'mod armonizzat sabiex ikun hemm prevedibbiltà u ċarezza; iqis li l-protokolli operattivi tekniċi għandhom isiru prerekwiżit għal vjaġġar sikur;

12.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “COVID-19: Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità” u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu din il-gwida mal-awtoritajiet kompetenti fil-livelli reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, jappoġġjaw finanzjarjament lis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, f'kooperazzjoni sħiħa mal-industrija tat-turiżmu u l-ivvjaġġar u f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq siġill tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza u protokolli tas-saħħa ċari u effikaċi, tiggarantixxi li l-faċilitajiet tat-turiżmu, l-istabbilimenti turistiċi u l-operaturi tal-UE jissodisfaw l-ogħla standards ta' iġjene u sikurezza, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-għan li tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi bbażati fuq il-gwida tal-UE, ittejjeb il-fiduċja, is-sigurtà u s-sikurezza għall-vjaġġaturi li jżuru l-Istati Membri tal-UE u trawwem l-irkupru tas-settur;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli komuni tal-UE dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-vouchers maħruġa b'rabta mal-COVID-19 filwaqt li jinżam livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, dejjem bil-kundizzjoni tal-aċċettazzjoni volontarja tagħhom min-naħa tal-konsumaturi u mingħajr ma jiġi affettwat l-obbligu tal-kumpaniji li jirrimborżaw lill-vjaġġaturi fiż-żmien previst skont id-dritt tal-UE, sabiex il-vouchers isiru aktar flessibbli u allura aktar attraenti u vijabbli u biex tiġi evitata implimentazzjoni frammentata oħra li twassal għat-trattament differenti tal-konsumaturi u għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport u tat-turiżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura infurzar xieraq u applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u tippromwovi l-użu ta' regoli armonizzati dwar il-vouchers volontarji;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li telabora, abbażi tal-esperjenza tal-kriżi COVID-19 u ta' skemi simili tal-Istati Membri, skema Ewropea ta' Garanzija tal-Ivvjaġġar għall-kumpaniji li tiżgura likwidità finanzjarja b'tali mod li l-vjaġġaturi jingħataw garanziji dwar rifużjonijiet kif ukoll spejjeż ta' ripatrijazzjoni, flimkien ma' kumpens ġust għal kull dannu mġarrab f'każ ta' falliment; huwa tal-opinjoni li, barra minn hekk, il-vjaġġaturi għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tvara kampanja ta' komunikazzjoni ddedikata dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu f-UE, inkluż permezz ta' app ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li jkollha l-għan li tippromwovi l-ivvjaġġar fi ħdan l-UE, terġa' tistabbilixxi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-ivvjaġġar u t-turiżmu matul il-COVID-19, teduka t-turisti dwar il-miżuri ta' saħħa u sikurezza fis-seħħ u tibni valuri sostenibbli u tal-koeżjoni permezz ta' “Marka tat-Turiżmu tal-UE”; jappella biex il-kunċett ta' “destinazzjoni sikura u intelliġenti” jkun ċentrali għall-iżgurar tal-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u aċċessibbli;

17.

Jitlob li jinħoloq mekkaniżmu fil-livell tal-UE għall-istabbiliment ta' soll, ibbażat fuq l-evidenza xjentifika u data affidabbli u uniformi, għas-sikurezza u s-sigurtà meta jitneħħew jew jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u li għandhom jitħejjew livell xieraq ta' monitoraġġ u pjan ta' azzjoni għal kwalunkwe żvilupp negattiv rigward ix-xenarju epidemjoloġiku; jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni aktar konkret u dettaljat dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta' ħruġ gradwali proposta biex noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jikkooperaw sabiex jistabbilixxu linji gwida ċari u pjanijiet ta' azzjoni ta' tħejjija għat-tieni mewġa potenzjali tal-pandemija kemm jista' jkun malajr, billi jindirizzaw il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u l-miżuri ta' kontroll għall-ivvjaġġar u t-turiżmu, peress li, skont il-projezzjonijiet, din is-sena l-miżuri estiżi ta' għeluq jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' 16 % fil-PDG;

19.

Jilqa' l-programm SURE, li jgħin lill-Istati Membri jkopru l-ispejjeż ta' skemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili li jippermettu lill-kumpaniji jissalvagwardjaw l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-investiment fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet, it-taħriġ tal-ħiliet diġitali u l-inizjattivi ta' appoġġ għall-impjiegi, li se jipprevjenu t-telf kontinwu ta' impjiegi u l-inugwaljanzi soċjali minħabba l-pandemija;

Solidarjetà u koordinazzjoni mtejba fis-settur tat-turiżmu tal-UE

20.

Jenfasizza l-importanza li ngħaddu għal politika Ewropea ġenwina dwar it-turiżmu li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tal-kompetittività tal-Unjoni f'dan is-settur, għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u għall-ħolqien ta' possibbiltajiet ta' aktar investimenti u innovazzjonijiet fis-settur; ifakkar fl-importanza li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda fil-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għas-servizzi turistiċi, bl-għan li jitneħħew u jiġu evitati kontradizzjonijiet u duplikazzjonijiet regolatorji, bl-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni li jaffettwaw is-settur tat-turiżmu;

21.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li torganizza summit Ewropew dwar it-turiżmu bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-industrija, ir-reġjuni, il-bliet u l-partijiet ikkonċernati, sabiex issir riflessjoni dwar it-turiżmu Ewropew ta' għada, u jappoġġja l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali għall-2050 lejn ekosistema Ewropea tat-turiżmu li tkun sostenibbli, innovattiva u reżiljenti (“Aġenda Ewropea għat-Turiżmu 2050”); jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tadotta strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda għat-turiżmu fl-UE fl-2021 abbażi tal-eżitu ta' dan id-djalogu sabiex tinżamm il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni ewlenija permezz tal-“Marka tat-Turiżmu tal-UE”; jenfasizza li din l-istrateġija fuq terminu twil trid tinkludi pjan għad-diġitalizzazzjoni tas-settur u skemi għar-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi; jenfasizza li l-istrateġija trid tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur billi tadatta l-proċessi u ġġedded l-infrastrutturi u l-faċilitajiet; jissottolinja li l-Kummissjoni għandha ssegwi mill-qrib l-implementazzjoni xierqa tagħha;

22.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprevedi flessibbiltà fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; jinsisti, madankollu, fuq il-bżonn ta' proġetti vijabbli, kompetittività u standards soċjali u ekoloġiċi kif ukoll gwida ċara u speċifika għas-settur fl-oqsma tat-trasport u t-turiżmu biex ikun hemm lok għal koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri kollha, u li jiġi żgurat li l-iskemi ta' kumpens nazzjonali jintużaw b'mod ġust, f'waqtu u proporzjonat u jkunu fis-seħħ għal tul ta' żmien limitat, bil-għan li jiġi indirizzat it-telf ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, mingħajr tgħawwiġ indebitu tal-kompetizzjoni;

23.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet trasversali relatati mat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi Strateġija tal-UE għat-Turiżmu li tinkludi pjan ta' azzjoni aktar konkret u dettaljat b'objettivi fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil, inklużi l-miri tan-NU dwar l-iżvilupp sostenibbli, u li tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi ċari, strateġiċi u orjentati lejn ir-riżultati; jinsisti li, f'koordinazzjoni mal-Parlament u l-Istati Membri, għandha tiġi adottata strateġija xierqa għal turiżmu sostenibbli li tinkludi l-miżuri li għandhom jiġu applikati u osservati mill-Istati Membri kollha kif ukoll mill-industriji u t-turisti;

24.

Jenfasizza li l-proposta għal pjan ta' rkupru tal-UE mressqa mill-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2020, li tinkludi baġit fit-tul aktar b'saħħtu għall-UE (il-QFP 2021-2027) u strument ta' rkupru ġdid ta' EUR 750 biljun li għandu jkun marbut mal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u mar-rispett tal-istandards ekoloġiċi u soċjali, iservi ta' bażi tajba għal aktar negozjati; jilqa' l-fatt li t-turiżmu ġie rikonoxxut bħala waħda mill-aktar attivitajiet ekonomiċi li ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19; jinnota li l-istrument ta' rkupru l-ġdid, Next Generation EU, jindika li fit-tieni kwart tal-2020 it-turiżmu jaf jara tnaqqis ta' aktar minn 70 % fil-fatturat, mentri l-ħtiġijiet ta' investiment bażiċi fit-turiżmu, li jammontaw għal EUR 161 biljun, jikklassifikaw fl-ewwel post fost id-diversi ekosistemi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-importanza dovuta lis-settur tat-turiżmu fil-pakkett ta' rkupru u toħroġ linji gwida biex tiżgura aċċess rapidu għall-fondi – bla xkiel minn piżijiet amministrattivi sproporzjonati – fl-ambitu kemm tal-programmi attwali kif ukoll ta' dawk li ġejjin; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-investiment f'dan is-settur permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li se tkun qed tippermetti l-iżvilupp ta' strateġija għal settur turistiku sostenibbli, flessibbli u kompetittiv madwar l-UE; iqis li l-pjan ta' rkupru tal-UE jrid ikun fih il-possibbiltà li s-settur turistiku jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali skont is-sehem li s-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jikkontribwixxi għall-PDG ta' Stat Membru;

25.

Jiddeplora n-nuqqas ta' linja baġitarja ddedikata għat-turiżmu sostenibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (il-QFP 2021-2027), u jiddispjaċih li fil-preżent ma jeżistix strument finanzjarju konkret u mmirat biex is-settur jiġi megħjun jirkupra f'qasir żmien; jenfasizza li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta' trattament speċjali u miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi (RUPs) u r-reġjuni insulari;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'urġenza lin-negozji u l-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, fis-setturi tat-trasport, tal-kultura u tat-turiżmu, u speċjalment lill-SMEs, inklużi n-negozji makro u n-negozji tal-familja, fil-ġestjoni tal-likwidità tagħhom, jgħinuhom iżommu l-impjiegi u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn; jitlob, barra minn hekk, li fi djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali, jiġi żviluppat qafas Ewropew għall-ħaddiema tul il-katina tal-valur kollha tal-industrija tat-turiżmu, li jkun ikopri kull tip ta' ħaddiema;

27.

Jitlob strateġija Ewropea riveduta għall-SMEs li tqis l-impatt tal-COVID-19 fuq l-SMEs u tressaq inizjattivi ta' rkupru konkreti bi pjan direzzjonali biex tappoġġjahom billi titnaqqas il-burokrazija, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-aċċess għall-finanzi u jitrawmu investimenti fi ktajjen ta' valur strateġiċi, f'konformità ma' politika industrijali Ewropea bbażata fuq l-ekosistemi, il-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni diġitali; ifakkar fil-ħtieġa li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa sabiex jiġu osservati l-miżuri l-ġodda tas-saħħa u s-sikurezza, filwaqt li jiġu previsti investimenti sostanzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza tal-konsumaturi u r-rispett tat-tbegħid soċjali u ta' miżuri ta' prekawzjoni rilevanti oħra; jenfasizza l-importanza li jinħolqu networks u raggruppamenti fl-UE kollha, li potenzjalment iwasslu għal armonizzazzjoni tal-aħjar prattiki, strateġiji u sinerġiji fis-settur tal-SMEs;

28.

Jenfasizza li eluf ta' kumpaniji, partikolarment SMEs, qed jitħabtu biex jibqgħu fil-wiċċ, u ħafna minnhom qed jiffaċċjaw insolvenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu l-iżviluppi u jivvalutaw il-possibbiltà ta' appoġġ ta' emerġenza aktar b'saħħtu fir-rigward tal-istrumenti diġà mħabbra, billi jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat il-falliment tan-negozji;

Lejn settur turistiku tal-UE li jibqa' validu fil-futur

29.

Jenfasizza li s-settur turistiku jiddependi ħafna fuq is-settur tat-trasport, u għaldaqstant it-titjib tal-aċċessibbiltà, is-sostenibbiltà u l-konnettività tal-mezzi kollha tat-trasport, filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta' sikurezza fis-setturi kollha tat-trasport (bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar u fuq il-passaġġi tal-ilma interni), ikollu impatt sinifikanti fuq it-tisħiħ tas-settur turistiku tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li fil-kuntest tas-sena 2021 bħala s-Sena Ewropea tal-Ferroviji u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-modi ta' vvjaġġar alternattivi sostenibbli kollha;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu modi ta' vvjaġġar sostenibbli, pereżempju billi jingħata aktar appoġġ lill-infrastruttura taċ-ċikliżmu turistiku u l-ferroviji ta' billejl; jisħaq fuq il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali li mezzi tat-trasport sostenibbli bħar-roti jista' jkollhom għat-turiżmu, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinvesti fl-infrastruttura ċiklistika biex tiffaċilita turiżmu bħal dan;

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jkollhom network ta' infrastruttura żviluppata, moderna, sikura u sostenibbli, sabiex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar fl-UE kollha, u li l-Istati Membri periferiċi jsiru aktar aċċessibbli għat-turiżmu intra-Ewropew u internazzjonali; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tappoġġja r-riintroduzzjoni ta' konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera neqsin, tkompli twettaq kontrolli tal-idoneità fuq in-network tal-infrastruttura eżistenti u tipproponi miżuri addizzjonali immedjati għaż-żoni l-inqas avvanzati u l-inħawi remoti, li sikwit ikollhom l-inqas networks żviluppati u jirrikjedu attenzjoni partikolari; jinnota li r-reġjuni tal-fruntiera tal-UE jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE u terz tal-popolazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jkollhom ippjanar adegwat għat-tlestija tat-TEN-T ewlieni kollu sal-2030 u n-networks komprensivi sal-2050, b'indikazzjoni tal-iskeda u d-disponibbiltà baġitarja, u b'enfasi partikolari fuq it-taqsimiet transfruntiera, speċjalment fl-Istati Membri li mhux qed jagħmlu progress f'dawn l-oqsma; jirrimarka li dan jinkludi l-proġett tant meħtieġ tal-Ajru Uniku Ewropew, li, għalkemm ilu wieqaf fil-livell tal-UE għal ħafna snin, iġib miegħu sikurezza, effiċjenza u sostenibbiltà għall-avjazzjoni Ewropea minnufih;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà u l-benefiċċji potenzjali ta' mekkaniżmu ta' ġestjoni tal-kriżijiet (CMM) għas-settur turistiku tal-UE, sabiex ikun hemm risposta adegwata u rapida mhux biss għat-tifqigħa attwali tal-COVID-19, iżda anke sabiex issir tħejjija għal sfidi futuri ta' natura u daqs simili; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi soluzzjonijiet ta' finanzjament għal skarsezzi finanzjarji b'terminu ta' żmien qasir u anke li jiġu previsti oqfsa u strateġiji b'terminu ta' żmien medju u twil; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida msejsa fuq l-aħjar prattiki fis-settur tat-turiżmu f'każ ta' kriżi fuq skala kbira, bħalma hi l-pandemija attwali, u tiffaċilita l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' pjattaformi online adegwati fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki u jikkondividu informazzjoni;

33.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi skema Ewropea ġdida ta' turiżmu inklużiv ibbażata fuq il-mudell tal-inizjattiva Calypso, li tippermetti lill-gruppi soċjali vulnerabbli jużaw vouchers turistiċi nazzjonali fi stabbilimenti assoċjati fi Stati Membri oħra li joffru wkoll programm ta' turiżmu soċjali liċ-ċittadini tagħhom; jinnota li bosta Stati Membri qegħdin jimplimentaw programmi bħal dawn b'riżultati tajbin ħafna u jemmen li tkun xi ħaġa pożittiva ferm jekk dawn l-iskemi jsiru interoperabbli fil-livell tal-UE;

34.

Jirrimarka l-importanza ta' approċċ komuni min-naħa tal-UE għas-salvagwardja tal-kompetittività tas-settur billi ttejjeb l-istrateġija komunikattiva tagħha fil-konfront taċ-ċittadini; jenfasizza wkoll ir-rwol tal-UE fil-koordinazzjoni tas-settur turistiku, li għandu jittejjeb billi jittieħdu miżuri b'valur miżjud għall-UE u jkompli jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jitlob tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u fiskali mhux ġustifikati, appoġġ għall-ħolqien tan-negozji, u promozzjoni tal-bejgħ u s-servizzi transfruntiera;

35.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU (UNWTO);

36.

Iqis li t-teknoloġiji l-ġodda u ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni jistgħu jagħtu spinta konsiderevoli biex is-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jsiru aktar attraenti, u li pjattaformi favorevoli u mudelli kummerċjali ġodda jistgħu jsaħħu t-tkabbir, il-kompetittività u l-prosperità tas-settur; jemmen, għalhekk, li t-taħriġ regolari kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema eżistenti fis-settur huma tal-akbar importanza, b'enfasi speċifika fuq il-ħiliet diġitali u t-teknoloġiji innovattivi;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li, filwaqt li tinżamm il-protezzjoni b'saħħitha tal-fruntieri Ewropej, jinħoloq proċess ta' applikazzjoni għall-viża online bħala mezz biex jiġi attirat fluss akbar ta' turisti internazzjonali lejn l-Ewropa; jinnota li t-tifqigħa tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li titħaddan l-innovazzjoni u li ssir kunċettwalizzazzjoni ġdida tal-mod kif jingħataw is-servizzi, inklużi dawk li jintensifikaw il-kuntatt bejn il-persuni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina l-possibbiltajiet ta' proċeduri ta' aċċess remot permezz ta' viżi elettroniċi, bi prezz baxx u effiċjenti fil-ħin, għad-destinazzjonijiet turistiċi tal-Ewropa għal ċittadini bona fide minn pajjiżi terzi li jeħtieġu viża u li d-data bijometrika tagħhom tinġabar xorta ladarba s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ tkun bdiet topera kompletament;

38.

Jirrimarka l-importanza tal-promozzjoni ta' turiżmu sostenibbli, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi, il-ħarsien u r-restawr tal-ekosistemi naturali u l-bijodiversità, kif ukoll għat-tkabbir u l-kompetittività, billi jibni fuq mudelli kummerċjali ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-fondi tal-UE min-naħa tal-partijiet ikkonċernati fit-turiżmu, b'mod partikolari l-operaturi ż-żgħar tas-settur tal-ospitalità fl-oqsma kollha tas-suq, li għandhom jingħataw attenzjoni u appoġġ partikolari; jafferma li tali finanzjament għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi turistiċi sostenibbli, innovattivi u ta' kwalità għolja, u jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà, l-ivvjaġġar barra l-istaġun u d-dispersjoni ġeografika tal-flussi turistiċi; jemmen li jrid ikun hemm appoġġ u koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex titjieb l-amministrazzjoni tat-turiżmu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, fost l-oħrajn billi tiġi introdotta ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà turistika; jenfasizza l-importanza li titrawwem bidla minn turiżmu eċċessiv għal forom oħra ta' turiżmu kulturali u sostenibbli li jirrispettaw l-ambjent u l-wirt kulturali tagħna;

39.

Jenfasizza l-importanza tat-turiżmu għal ċerti pajjiżi u żoni ġeografiċi tal-UE fejn is-servizzi relatati mat-turiżmu sikwit ikunu fattur importanti biex jiġu żgurati l-impjiegi u huma fost is-sorsi ta' introjtu ewlenin għall-popolazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri mfassla apposta meta jiġu riintrodotti l-moviment liberu u l-konnessjonijiet tat-trasport bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer u l-Ewropa kontinentali; jirrimarka li korsiji ta' konnessjoni speċifiċi u appoġġ finanzjarju u amministrattiv addizzjonali huma tal-akbar importanza għal dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq l-aspett kostali u marittimu fl-istrateġija u l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tat-turiżmu, inklużi opportunitajiet ta' finanzjament u għodod ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, kif ukoll li jissaħħaħ il-funzjonament tas-swieq rilevanti, bl-istabbiliment ta' politiki mfassla apposta f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati fid-destinazzjoni; ifakkar fl-importanza li jingħata appoġġ lin-negozji tal-familja li jiżviluppaw is-swieq lokali jew reġjonali u jippromwovu t-turiżmu lokali, għax dawn jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti mill-impjiegi fis-settur privat Ewropew u jikkostitwixxu l-inkubaturi naturali ta' kultura intraprenditorjali;

40.

Ifakkar li t-turiżmu kulturali jirrappreżenta 40 % tat-turiżmu Ewropew kollu u li 68 % tal-Ewropej jgħidu li l-preżenza tal-wirt kulturali, li jinkludi r-rotot kulturali, fosthom ir-Rotta ta' San Ġakbu (“Camino de Santiago”), li fl-2021 se tiċċelebra l-Ġubilew jew is-Sena Ġakubina, għandha influwenza fuq l-għażla tad-destinazzjoni tal-btala tagħhom (2); jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu objettivi strateġiċi u operattivi ċari u orjentati lejn ir-riżultati fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura li jmiss u ttejjeb il-qafas strateġiku attwali għall-kultura; jenfasizza li l-investimenti fis-siti kulturali għandhom jitqiesu u jiġu ttrattati bħala riżorsa għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir fil-livell lokali, mingħajr ma jintesa l-valur intrinsiku tagħhom bħala parti mill-wirt kulturali tagħna, li jeħtieġ jitħares speċjalment mit-tibdil fil-klima u t-turiżmu eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-siti kulturali ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' skemi ta' finanzjament li jibnu fuq fondi privati; jitlob ukoll għall-żieda fil-baġit għal Discover EU, programm li għandu l-potenzjal li jagħti spinta konsiderevoli lit-turiżmu taż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet kulturali li jibbenefikaw minn għajnuna pubblika matul dan il-perjodu ta' rkupru, peress li dawn iridu jiżguraw is-sikurezza tal-viżitaturi u jsostnu l-mudell ekonomiku tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni ssib mekkaniżmi alternattivi ta' appoġġ għall-ħaddiema kulturali li jiddependu ħafna fuq turiżmu funzjonali;

41.

Jenfasizza l-benefiċċji tat-turiżmu rurali u agroekoloġiku, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi u tappoġġja inizjattivi li jiġġeneraw sorsi ta' introjtu addizzjonali għaż-żoni rurali, joħolqu opportunitajiet ta' xogħol, iwaqqfu d-depopolazzjoni u jżidu l-benefiċċji soċjali; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), speċjalment il-programm LEADER, fl-appoġġ għall-inizjattivi turistiċi lokali u rurali, u jitlob li dan il-programm jiġi ffinanzjat b'mod adegwat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027; iqis li l-agrituriżmu fiż-żoni rurali għandu jissaħħaħ sabiex jiġu diversifikati s-sorsi ta' dħul tal-bdiewa, b'mod partikolari dawk li għandhom azjendi agrikoli żgħar, u b'hekk jiġu evitati l-abbandun tal-art u d-depopolazzjoni u tiġi appoġġjata l-ekonomija rurali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi riżervata allokazzjoni speċifika għall-agrituriżmu, li għandu rwol essenzjali fid-diversifikazzjoni tad-dħul tal-bdiewa u fl-iżvilupp taż-żoni rurali;

42.

Jirrimarka l-importanza tat-turiżmu tas-saħħa, li jinkludi t-turiżmu mediku, tal-benessri u termali; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun il-waqt, tippromwovi t-turiżmu tal-kura tas-saħħa preventiva, il-balneoloġija, it-turiżmu tal-muntanja u t-turiżmu mediku sostenibbli fil-livell Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment ulterjuri fit-titjib tal-infrastruttura tat-turiżmu sostenibbli u l-importanza ta' aktar viżibbiltà għaċ-ċentri Ewropej tat-turiżmu termali u tal-benessri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament ulterjuri bbażati fuq ix-xjenza, billi t-turiżmu mediku jista' jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa permezz ta' miżuri preventivi u inqas konsum ta' prodotti farmaċewtiċi, u jkompli jtejjeb is-sostenibbiltà u l-kwalità tax-xogħol;

43.

Jissottolinja l-importanza tal-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għal popolazzjoni li qed tixjieħ, kif ukoll għall-persuni b'diżabilità u dawk li għandhom limitazzjonijiet funzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jixprunaw b'mod attiv l-iżvilupp kontinwu tal-istandard tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar servizzi turistiċi aċċessibbli u jiżguraw li jiġi implimentat malajr u b'mod korrett ladarba jiġi adottat, kif ukoll li l-fornituri tas-servizzi jirrispettaw l-istandards ta' aċċessibbiltà rilevanti li huma diġà fis-seħħ jew li qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tagħmel sforzi biex tiffaċilita l-possibbiltà ta' implimentazzjoni u rikonoxximent usa' tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE;

44.

Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-isport fit-turiżmu, u jfakkar fl-importanza li għandhom l-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi biex ir-reġjuni tal-Ewropa jsiru aktar attraenti għat-turisti; jenfasizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ivvjaġġar tal-atleti u l-ispettaturi fl-okkażjoni ta' avvenimenti sportivi, li jistgħu jattiraw lit-turisti anke lejn l-aktar żoni remoti; jenfasizza l-importanza tal-gastronomija, l-itinerarji gastronomiċi u s-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-bars Ewropej għas-settur tat-turiżmu u l-ekonomija kollha kemm hi; jenfasizza li, għaldaqstant, dan irid jiġi integrat fl-istrateġija globali tat-turiżmu;

o

o o

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza fil-Kariga tal-Kunsill.

(1)  L-Artikolu 195(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)  Ewrobarometru Speċjali 466 – il-Wirt Kulturali, 12/2017.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/63


P9_TA(2020)0173

Il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd (2020/2685(RSP))

(2021/C 362/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames, is-sitt u s-seba' inċiżi tal-preambolu, l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 21 tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (3),

wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2020 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II) ippubblikat f'Diċembru 2017 mill-FRA, iż-żewġ edizzjonijiet tal-istħarriġ “Being black in the EU” ippubblikati fit-23 ta’ Novembru 2018 u fil-15 ta’ Novembru 2019, u r-rapport tal-FRA dwar l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni razzjali u vjolenza razzista fost il-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-UE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu u l-mibegħda kontra l-minoranzi fid-dinja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-dritt tal-protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (6),

wara li kkunsidra l-istabbiliment f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-politika ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),

wara li kkunsidra l-video konferenza stampa tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-2 ta' Ġunju 2020 wara l-mewt ta' George Floyd;

wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar il-każ ta' George Floyd fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-FRA tal-5 ta' Diċembru 2018 bit-titolu “Preventing unlawful profiling today and in the future: a guide”,

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Settembru 2001 dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika tal-Pulizija,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet tat-28 ta' Mejju 2020 li kkundannat il-qtil ta' George Floyd,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-protesti kontra r-razziżmu sistemiku fl-Istati Uniti tal-5 ta' Ġunju 2020 mill-esperti indipendenti tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u Programm ta' Azzjoni ta' Durban tal-2002 u s-segwitu tagħha, u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata,

wara li kkunsidra d-Deċennju Internazzjonali għan-Nies ta' Dixxendenza Afrikana,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fil-25 ta' Mejju 2020, George Floyd, raġel Afrikan-Amerikan ta' 46 sena li ma kienx armat, ġie arrestat talli allegatament uża karta tal-flus falza u nqatel fil-belt ta' Minneapolis, fl-Istat ta' Minnesota, wara li uffiċjal tal-pulizija abjad poġġa u żamm irkopptejh fuq għonqu għal 8 minuti u 46 sekonda; billi George Floyd qal ripetutament li ma setax jieħu nifs;

B.

billi l-mewt ta' George Floyd, flimkien mal-lista ta' eżempji oħra tal-użu ta' forza eċċessiva u ta' qtil min-naħa ta' uffiċjali tal-pulizija, kebbsu dimostrazzjonijiet u protesti enormi kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija fl-Istati Uniti kollha, kif ukoll madwar id-dinja;

C.

billi wara l-protesti, l-akkuża inizjali ta' qtil tat-tielet grad (omiċidju involontarju) maħruġa fil-konfront tal-uffiċjal tal-pulizija Derek Chauvin ġiet mibdula għal qtil tat-tieni grad (vjolenza li wasslet għal mewt) u omiċidju volontarju mhux premeditat, akkużi li flimkien jinvolvu sentenza massima ta' 35 sena priġunerija; billi tliet uffiċjali oħra tal-pulizija involuti fl-arrest ta' George Floyd tkeċċew mix-xogħol u qed jiffaċċjaw akkużi ta' għajnuna u tħajjir;

D.

billi l-vjolenza u l-qerda ta' proprjetà mhux se jsolvu l-problema ta' diskriminazzjoni stabbilita u għandhom jiġu kkundannati bil-qawwa; billi d-dimostranti jeħtiġilhom jesprimu t-talbiet tagħhom għal ġustizzja b'mod paċifiku u l-pulizija u l-forzi tas-sigurtà l-oħrajn jeħtiġilhom jastjenu milli jkomplu jeskalaw is-sitwazzjoni ta' tensjoni kurrenti bl-użu ta' forza eċċessiva

E.

billi l-protesti wara l-mewt ta' George Floyd huma preċeduti minn storja twila ta' protesti kontra l-brutalità tal-pulizija u r-razziżmu fl-Istati Uniti; billi fl-Istati Uniti, is-suwed u l-persuni ta' kulur jikkostitwixxu sa 40 % tal-popolazzjoni tal-priġunieri, filwaqt li huma jirrappreżentaw 13 % tal-popolazzjoni totali; billi r-rata ta' mortalità fil-kustodja tal-pulizija fl-Istati Uniti hija sitt darbiet akbar għall-persuni suwed minn dik tal-persuni bojod, u tliet darbiet akbar għall-persuni Ispaniċi (7), bħalma hu l-użu ta' forza eċċessiva jew letali, li laqtet lill-persuni ta' kulur b'mod sproporzjonat;

F.

billi matul il-protesti seħħew xi inċidenti vjolenti individwali, fosthom f'Minneapolis;

G.

billi l-President Trump skjera l-Gwardja Nazzjonali;

H.

billi r-reazzjoni tal-President tal-Istati Uniti u r-retorika xewwiexa tiegħu, inkluż it-theddid tiegħu li jiskjera l-armata tal-Istati Uniti jekk il-protesti li għaddejjin ma jiqfux, servew biss biex saħħew il-protesti;

I.

billi l-ġurnalist tal-istazzjon CNN Omar Jimenez u xi kollegi tiegħu ġew arrestati waqt li kienu qed jagħmlu xogħol relatat mar-rappurtar dwar il-protesta f'Minneapolis, u wara nħelsu meta ġie kkonfermat li huma kienu membri tal-mezzi tax-xandir; billi għadd kbir ta' ġurnalisti nżammu milli jirrappurtaw liberament dwar id-dimostrazzjonijiet, minkejja li wrew b'mod viżibbli l-kredenzjali tagħhom bħala membri tal-mezzi tax-xandir, u għexieren minnhom ġew attakkati mill-forzi tal-pulizija, filwaqt li wħud ġarrbu ġrieħi serji;

J.

billi l-UE hija impenjata li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-restrizzjonijiet kollha tad-drittijiet fundamentali jridu jirrispettaw il-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità;

K.

billi l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun soġġett għal tali formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti mil-liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, l-integrità territorjali jew is-sikurezza pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew it-twettiq ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew id-drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'mod kunfidenzjali, jew biex jiġu miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura, kif preskritt mill-Artikolu 10 tal-KEDB;

L.

billi, f’konformita’ mal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE “għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali [tal-Istati Membri], inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali tal-Istat, iż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali”; billi “b'mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa' r-responsabbiltà unika ta' kull Stat Membru”;

M.

billi wara l-mewt ta' George Floyd u l-protesti fl-Istati Uniti, eluf ta' persuni għamlu dimostrazzjonijiet fi bliet Ewropej u bliet oħra madwar id-dinja b'appoġġ għall-protesti fl-Istati Uniti u biex jipprotestaw kontra r-razziżmu mal-moviment “Black Lives Matter”; billi l-moviment “Black Lives Matter” mhuwiex ġdid;

N.

billi f'xi Stati Membri tal-UE l-protesti saħħew il-moviment kontra r-razziżmu li jkollu fil-mira tiegħu il-persuni suwed u l-persuni ta' kulur, u anke wasslu biex fakkru l-passat kolonjali tal-Ewropa u r-rwol tagħha fil-kummerċ trans-Atlantiku tal-ilsiera; billi dawn l-inġustizzji u delitti kontra l-umanità għandhom jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u jiġu indirizzati fil-livell istituzzjonali u fi ħdan l-edukazzjoni;

O.

billi xi wħud mill-komunità internazzjonali caħdu bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza, ikkundannaw l-vjolenza u r-razziżmu ta' kull xorta, u talbu li tali inċidenti jiġu indirizzati malajr, b'mod effettiv u b'rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkundannaw, pubblikament u mingħajr riżerva, ir-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija li wasslet għall-mewt ta' George Floyd u oħrajn;

P.

billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma prinċipji ewlenin minquxa fil-liġi tal-UE; billi dawn il-prinċipji u valuri kondiviżi għandhom jgħaqqduna fil-ġlieda kontra l-inġustizzja, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha;

Q.

billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;

R.

billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem jistipula li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età, jew orjentament sesswali għandha tkun ipprojbita.

S.

billi l-motto tal-UE “Magħqudin fid-Diversità” jinkludi mhux biss in-nazzjonalità, iżda wkoll ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq;

T.

billi r-razziżmu hija kwistjoni ta' tħassib madwar id-dinja, u billi l-attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi jippersistu kullimkien fid-dinja;

U.

billi r-razziżmu strutturali huwa rifless ukoll fl-inugwaljanza soċjoekonomika u l-faqar, u dawn il-fatturi jinteraġixxu u jsaħħu lil xulxin; billi dan huwa partikolarment viżibbli fis-suq tax-xogħol, fejn il-parti l-kbira tal-ħaddiema prekarji huma persuni ta' kulur, iżda wkoll fl-akkomodazzjoni u fl-edukazzjoni; billi l-azzjonijiet għall-ugwaljanza u kontra r-razziżmu strutturali jridu jimxu id f'id u jiġu indirizzati sistematikament;

V.

billi skont l-FRA, id-diskriminazzjoni u l-fastidju razzjali għadhom komuni fl-Unjoni Ewropea kollha (8); billi l-minoranzi razzjali u etniċi huma soġġetti għal fastidju, vjolenza u diskors ta' mibegħda, kemm online kif ukoll offline; billi l-minoranzi razzjali u etniċi jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni strutturali fl-UE fl-oqsma kollha, inkluż l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni;

W.

billi l-istħarriġ tal-FRA rrapporta li fl-Ewropa, il-gruppi razzjalizzati li huma milquta l-aktar mir-razziżmu u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-isfond etniku u ta' immigrazzjoni huma r-Rom, l-individwi mill-Afrika ta' Fuq u l-Afrikani sub-Saħarjani (9); billi l-istħarriġ tal-FRA jirrapporta wkoll livell għoli ta' diskriminazzjoni u ta' razziżmu kontra persuni Musulmani (10) u Lhud (11);

X.

billi ċerti mexxejja tal-opinjoni u persunaġġi politiċi fl-UE kollha jħaddnu attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi, u jrawmu klima soċjali li tipprovdi art fertili għar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda; billi din il-klima hija mkebbsa aktar mill-movimenti populisti u estremisti li jippruvaw jaqsmu s-soċjetajiet tagħna; billi dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-valuri komuni Ewropej li l-Istati Membri kollha ħadu l-impenn li josservaw;

Y.

billi l-ħidma tal-pulizija u tal-forzi tal-infurzar tal-infurzar tal-liġi għandha l-għan li tiddefendi s-sigurtà tan-nies fl-UE u tipproteġihom kontra l-kriminalità, it-terroriżmu u attivitajiet jew l-azzjonijiet illegali, u li tapplika l-liġi, xi drabi f'ċirkostanzi diffiċli; billi l-uffiċjali tal-pulizija sikwit jissograw ħajjithom f’riskju bil-għan li jipproteġu lil ħaddieħor;

Z.

billi r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-użu eċċessiv u letali tal-forza mill-pulizija jeżisti wkoll fi ħdan l-UE; billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri ġew ikkritikati talli użaw forza eċċessiva; billi meta persuna tiġi kkonfrontata mill-pulizija mill-pulizija jew minn aġenti oħra tal-Istat, ir-rikors għal forza fiżika li ma jkunx sar strettament meħtieġ minħabba l-imġiba proprja tal-persuna jnaqqas id-dinjità umana u fil-prinċipju huwa ksur tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (12); billi l-użu sproporzjonat tal-forza għandu jiġi kkundannat bil-qawwa;

AA.

billi l-FRA rrappurtat li l-persuni suwed u l-persuni ta' kulur fl-UE jesperjenzaw tfassil ta' profili razzjali u diskriminatorji; billi kwart mill-persuni kollha ta' dixxendenza Afrikana mistħarrġa mill-FRA kienu twaqqfu mill-pulizija fil-ħames snin ta' qabel l-istħarriġ u minn dawn, 41 % kkaratterizzaw l-aktar waqfa riċenti bħala tfassil ta' profili razzjali (13);

AB.

billi l-maġġoranza (63 %) tal-vittmi ta' attakki razzisti fiżiċi mill-pulizija ma rrappurtawx l-inċident, jew għax ħassew li r-rappurtar mhu se jbiddel xejn (34 %) jew inkella għax ma jafdawx il-pulizija jew jibżgħu minnhom (28 %) (14); billi hemm bżonn li jiġu żgurati l-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza mill-pulizija u l-aċċess tal-istess vittmi għall-ġustizzja;

AC.

billi r-Rapport Annwali dwar ir-Reati ta' Mibegħda maħruġ mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) sab li l-persuni suwed jew b'ġilda skura sikwit ikunu fil-mira ta' vjolenza razzista, iżda f'ħafna pajjiżi hemm nuqqas ta' assistenza legali u appoġġ finanzjarju għall-vittmi li jkunu qed jirkupraw minn attakki vjolenti;

AD.

billi l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw ir-razziżmu strutturali, id-diskriminazzjoni u s-sottorappreżentanza ta' gruppi tal-gruppi ta' minoranza razzjali u etnika fi ħdan l-istrutturi tagħha;

AE.

billi l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet tagħna jeħtieġ tiġi intensifikata, u hija responsabbiltà kondiviża; billi l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tirrifletti b'mod urġenti u timpenja ruħha li tindirizza r-razziżmu u d-diskriminazzjoni strutturali li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna gruppi ta' minoranza;

1.

Jafferma li l-ħajja tas-suwed tgħodd (“Black Lives Matter”);

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-mewt atroċi ta' George Floyd fl-Istati Uniti, kif ukoll każijiet ta' qtil simili f'postijiet oħra fid-dinja; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-ħbieb tiegħu, u lil dawk ta' vittmi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw dan il-każ u każijiet simili bir-reqqa u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

3.

Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' razziżmu, mibegħda u vjolenza, kif ukoll kwalunkwe attakk fiżiku jew verbali mmirat lejn persuni ta' oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, u nazzjonalità partikolari, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata; ifakkar li m'hemmx lok għar-razziżmu u d-diskriminazzjoni fis-soċjetajiet tagħna; jitlob li l-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jieħdu pożizzjoni soda u deċiżiva kontra r-razziżmu, il-vjolenza u l-inġustizzja fl-Ewropa;

4.

Jistieden lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jieħdu passi deċiżivi biex jindirizzaw ir-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali fil-pajjiż, kif rifless fil-brutalità tal-pulizija; jikkundanna t-trażżin ta' dimostranti u ġurnalisti paċifiċi tal-Istati Uniti min-naħa tal-pulizija, u jiddispjaċih profondament dwar it-theddida tal-President tal-Istati Uniti li jiskjera l-Armata tal-Istati Uniti;

5.

Jappoġġja l-protesti massivi reċenti fil-bliet kapitali Ewropej u bliet oħra madwar id-dinja kollha kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni wara l-mewt ta' George Floyd; jenfasizza s-sejħa tad-dimostranti biex jieħdu pożizzjoni kontra l-oppressjoni u r-razziżmu strutturali fl-Ewropa; jesprimi solidarjetà, rispett u appoġġ għall-protesti paċifiċi, u jemmen li s-soċjetajiet tagħna jeħtieġ li jwaqqfu r-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali; ifakkar fid-dritt tal-protesta paċifika ta' kull individwu kif minqux fit-trattati internazzjonali; jikkundanna l-inċidenti vjolenti individwali li seħħew;

6.

Jikkundanna s-suprematiżmu abjad, fil-forom kollha tiegħu, inkluż l-użu ta' slogans li għandhom l-iskop li jagħmlu ħsara lill-moviment Black Lives Matter jew iċekknu l-merti tiegħu u jnaqqsulu mill-importanza;

7.

Jikkundanna l-episodji ta' sakkeġġ, ħruq, vandaliżmu u qerda ta' proprjetà pubblika u privata kkawżati minn xi dimostranti vjolenti; jiddenunzja l-forzi estremisti u antidemokratiċi li b'mod intenzjonat jagħmlu użu ħażin tal-protesti paċifiċi biex jaggravaw il-kunflitti, bil-għan li jxerrdu d-diżordni u l-anarkija;

8.

Jistieden lill-mexxejja u liċ-ċittadini kollha jżommu lura minn rigress fil-valuri, u biex isaħħu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u midja ħielsa u indipendenti; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet mill-mexxejja li jirriskjaw li jimminaw dawn il-valuri u li jkabbru d-diviżjonijiet fi ħdan is-soċjetajiet tagħna; jinnota li dawn il-valuri huma komuni għall-fondazzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, u għall-kooperazzjoni trans-Atlantika tagħna; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni interparlamentari aktar mill-qrib permezz tad-Djalogu Trans-Atlantiku bejn il-Leġiżlaturi, sabiex jiġu skambjati l-opinjonijiet u l-aħjar prattiki matul il-laqgħa tagħhom li jmiss, u jiġu identifikati mezzi legali għall-ġlieda kontra r-razziżmu strutturali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Jappella għal kooperazzjoni multilaterali aktar mill-qrib biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'kuntatti mill-qrib mal-atturi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġi miġġieled ir-razziżmu fil-livell internazzjonali; jilqa' t-talba ta' 54 pajjiż Afrikan għal dibattitu urġenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li se jsir fis-17 ta' Ġunju 2020 dwar “il-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem, ir-razziżmu, il-brutalità tal-pulizija u l-vjolenza kontra protesti paċifiċi li kienu bbażati fuq ir-razza”;

10.

Jitlob li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri jiddenunzjaw bil-qawwa u pubblikament l-użu sproporzjonat tal-forza u tendenzi razzisti fl-infurzar tal-liġi kull meta dan iseħħ, fl-UE, fl-Istati Uniti u madwar id-dinja;

11.

Iqis li l-ġlieda kontra r-razziżmu hija kwistjoni orizzontali u li għandha titqies fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni; ifakkar li ċ-ċittadini kollha għandhom ikunu intitolati għall-protezzjoni minn dawn l-inugwaljanzi, kemm bħala individwi kif ukoll bħala grupp, inklużi miżuri pożittivi għall-promozzjoni u t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tagħhom;

12.

Ifakkar fl-adozzjoni fis-26 ta' Marzu 2019 tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana, u jitlob b'urġenza lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentawha;

13.

Jinsab imħasseb serjament dwar il-każijiet irrappurtati ta' estremiżmu tal-lemin fil-forzi ta' sigurtà li nkixfu f'dawn l-aħħar snin fl-UE (15);

14.

Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod uffiċjali l-inġustizzji u d-delitti tal-passat kontra l-umanità mwettqa kontra persuni suwed, persuni ta' kulur u r-Rom; jiddikjara l-iskjavitù reat kontra l-umanità u jitlob li t-2 ta' Diċembru jiġi ddikjarat bħala l-Jum Ewropew li jfakkar l-Abolizzjoni tal-Kummerċ tal-Ilsiera; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istorja tal-persuni suwed, il-persuni ta' kulur u r-Rom parti mill-kurrikuli tal-iskola tagħhom;

15.

Itenni r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni biex jingħelbu l-preġudizzji u l-istereotipi, biex jiġu promossi t-tolleranza, il-fehim u d-diversità, u jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda ewlenija biex jintemmu d-diskriminazzjoni u r-razziżmu strutturali fis-soċjetajiet tagħna;

16.

Jistieden lill-Istati Membri jiddenunzjaw u jżommu lura minn tradizzjonijiet razzisti u Afrofobiċi, bħall-prattika tal-black face;

17.

Jistieden lill-mexxejja tal-UE jorganizzaw Summit Ewropew kontra r-Razziżmu dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni strutturali fl-Ewropa fil-futur qrib; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq strateġija komprensiva kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u qafas tal-UE għal pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu b'komponent iddedikat dwar il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tieħu approċċ intersezzjonali; iħeġġeġ lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni dedikata tal-Kunsill għall-ugwaljanza; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu task force interistituzzjonali biex jiġġieldu r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fil-livell tal-UE;

18.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu li jindirizzaw oqsma bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-impjieg, il-pulizija, is-servizzi soċjali, is-sistema tal-ġustizzja u l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet ikkonċernati;

19.

Jitlob li l-politiki kollha kontra d-diskriminazzjoni jkollhom approċċ intersezzjonali u tal-ġeneru sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni multipla;

20.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-miżuri biex tiżdied id-diversità fi ħdan il-forzi tal-pulizija u biex jiġu stabbiliti oqsfa għad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-komunitajiet;

21.

Jappella b'urġenza għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi fl-UE u jitlob, għalhekk, li l-Kunsill jiżblokka immedjatament u jikkonkludi n-negozjati dwar id-Direttiva Orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni li ilha mblukkata minn meta l-Kummissjoni pproponietha fl-2008;

22.

Jikkundanna t-tipi kollha ta' inċidenti ta' reati ta' mibegħda u diskorsi ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online, li jseħħu kuljum fl-UE, u jfakkar li d-diskors razzjali u ksenofobiku mhuwiex kopert mil-libertà ta' espressjoni;

23.

Jinsisti li l-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw kif xieraq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, b'mod partikolari billi jinvestigaw il-motiv ta' preġudizzju għal reati bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika, u billi jiżguraw li r-reati razzisti ta' mibegħda jiġu rreġistrati u investigati, isir proċess dwarhom u jingħataw sanzjonijiet għalihom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrieżamina u tirrevedi, fejn xieraq, id-Deċiżjoni Qafas u l-implimentazzjoni tagħha, u biex tieħu azzjoni kontra l-Istati Membri li ma jimplimentawhiex b'mod sħiħ;

24.

Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi indipendenti għall-ilmenti dwar il-pulizija biex imexxu l-investigazzjonijiet dwar każijiet ta' kondotta ħażina u abbuż mill-pulizija; jissottolinja li l-ħidma ta' pulizija demokratika tirrikjedi li l-pulizija jkunu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom quddiem il-liġi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-pubbliku kollu li jaqdu; jemmen li r-rekwiżit ewlieni għar-responsabbilizzazzjoni hu ż-żamma ta' strumenti ta' sorveljanza effettivi u effiċjenti

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi favur il-ġbir ta' data ulterjuri diżaggregata skont ir-razza u l-oriġini etnika (kif definit mid-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali) li tkun volontarja u anonima; iqis li, kieku kellha tinġabar data dwar ir-reati ta' diskriminazzjoni u ta' mibegħda etnika, dan għandu jsir bl-iskop uniku li jiġu identifikati l-għeruq tad-diskorsi u l-atti ta' razziżmu u diskriminazzjoni, u biex dawn jiġu miġġielda, f'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali rilevanti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

26.

Jinnota li l-Kummissjoni se tressaq l-ewwel rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, b'kamp ta' applikazzjoni limitat; itenni s-sejħiet tal-Parlament Ewropew għal mekkaniżmu komprensiv dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li għandhom jinkludu l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni rigward ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE;

27.

Jikkundanna t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali u etnika li jintuża mill-pulizija u mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u jqis li l-forzi tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi jrid ikollhom rekord eżemplari fi kwistjonijiet kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki u miżuri biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u biex itemmu t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali jew etnika fil-forom kollha fl-infurzar tal-liġi kriminali, il-miżuri kontra t-terroriżmu u l-kontrolli tal-immigrazzjoni; jenfasizza, b'mod partikolari, li t-teknoloġiji l-ġodda li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jridu jitfasslu u jintużaw b'tali mod li ma joħolqux riskji ta' diskriminazzjoni għal minoranzi razzjali u etniċi; jipproponi azzjoni biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-membri tal-forzi tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi dwar strateġiji għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tat-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi razzjali u biex jingħata rispons għalihom; jistieden lill-Istati Membri ma jippermettux li każijiet ta' brutalità u abbużi min-naħa tal-pulizija jibqgħu mhux ikkastigati, u biex mod xieraq jinvestigaw u jipproċessaw l-awturi ta' dawn ir-reati u jissanzjonawhom;

28.

Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-Istat; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali, indipendenti u effettiva meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni li tkun intużat forza sproporzjonata; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jridu dejjem jinżammu responsabbli għat-twettiq ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem legali, proporzjonat, neċessarju u għażla estrema, u li jippreserva l-ħajja umana u l-integrità fiżika; jinnota li l-użu eċċessiv tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità;

30.

Ifakkar fid-dritt taċ-ċittadini li jirrekordjaw xeni ta' vjolenza tal-pulizija li jistgħu jntużaw bħala evidenza u li l-persuni qatt ma għandhom ikunu mhedda mill-pulizija jew mill-awtorità responsabbli meta jkunu qed jirrekordjaw, u lanqas ma għandhom ikunu obbligati li jeqirdu evidenza jew jiġu mċaħħda mill-proprjetà tagħhom sabiex jiġu impediti milli jagħtu xhieda;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' esperti indipendenti bil-kompitu li jiżviluppa Kodiċi tal-UE tal-Etika tal-Pulizija li jipprovdi sett ta' prinċipji u linji gwida għall-objettivi, il-prestazzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll tal-pulizija f'soċjetajiet demokratiċi gvernati mill-istati tad-dritt, li jistgħu jgħinu wkoll lill-atturi tal-pulizija fil-ħidma tagħhom ta' kuljum biex jinfurzaw b'mod xieraq il-projbizzjoni tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u t-tfassil ta' profili kriminali fuq bażi etnika;

32.

Jenfasizza li stampa libera hija pilastru fundamentali ta' kwalunkwe demokrazija; jinnota r-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-ġurnalisti fotografi fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet kollha li fihom ġew attakkati deliberatament;

33.

Jistieden lill-aġenziji rilevanti tal-UE, inklużi l-FRA, l-Aġenzija Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL), fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom, biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni;

34.

Jitlob għall-impenn ta’ finanzjament serju fil-QFP li jmiss għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-UE kollha; jiddeplora l-fatt li l-ammont propost għall-intestatura “Ġustizzja, Drittijiet u Valuri” ġie imnaqqas b'mod sinifikanti fil-proposti tal-qafas finanzjarju pluriennali rivedut tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni twieġeb b'mod effikaċi għat-tħassib dwar il-fatt li f'xi Stati Membri, l-ispazju għas-soċjetà ċivili indipendenti kulma jmur qiegħed jiċkien; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta' atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjonijiet;

35.

Jenfasizza li l-entitajiet li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet diskriminatorji kontra komunitajiet razzjalizzati, jew jieħdu deċiżjonijiet jew jimplimentaw miżuri għal dan il-għan, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament permezz tal-baġit tal-Unjoni;

36.

Jikkundanna l-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi madwar id-dinja qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, statistiċi u xjentifiċi u jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn il-minoranzi;

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-amministrazzjoni tiegħu, u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(3)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2019)0239.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2019)0127.

(7)  https://www.ncbi.nih.gov/pmc/articles/PMC5559881/

(8)  https:// fra.europa.eu/en/news/2019/rising-inequalities-and-harassment-fundamental-rights-protection-falters

(9)  https://fra.europa.eu/en/publication/2017/second-european-union-minorities-and-discrimination-survey-main-results/

(10)  https://fra.europa.eu/en/publication/2017/second-european-union-minorities-and-discrimination-survey-muslims-selected

(11)  https://fra.europa.eu/en/publication/2018/experiences-and-perceptions-antisemitism-second-survey-discrimination-and-hate

(12)  Sentenza tal-QEDB tas-17 ta' April 2012, il-Kawża Rizvanov v. l-Ażerbajġan, paragrafu 49.

(13)  FRA, “Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Being black in the EU”, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c046fe4f-388-11e8-9982-01aa75ed71a1/language-en

(14)  FRA, “Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Being black in the EU”, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/c046fe4f-f388-11e8-9982-01aa75ed71a1/language-en

(15)  https://www.dw.com/en/germany-over-500-right-wing-extremists-suspected-in-bundeswehr/a-52152558


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/71


P9_TA(2020)0174

Il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-liġi tal-PRC dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong u l-ħtieġa li l-UE tiddefendi l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong (2020/2665(RSP))

(2021/C 362/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong (1), ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina (2), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong (3) u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu relatati ma' Hong Kong, partikolarment ir-rakkomandazzjoni tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tat-12 ta' Settembru 2018 (5) u tas-16 ta' Diċembru 2015 (6) dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina,

wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż dwar il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong, fit-28 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-22 u tad-29 ta' Mejju 2020 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar Hong Kong;

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar l-elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata “UE-Ċina – Perspettiva strateġika” (JOIN(2019)0005) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar strateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

wara li kkunsidra r-rapporti konġunti tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ tat-8 ta' Mejju 2019 (JOIN(2019)008), tas-26 ta' April 2017 (JOIN(2016)0016) u tal-25 ta' April 2016 (JOIN(2016)0010) dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali, kif ukoll l-20 rapport preċedenti simili l-oħra,

wara li kkunsidra t-13-il Djalogu Strutturat li sar Hong Kong fit-28 ta' Novembru 2019 u s-37 Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina li sar Brussell fl-1 u fit-2 ta' April 2019,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika,

wara li kkunsidra l-politika ta' “Ċina Waħda” tal-UE,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 u l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tal-1990, jistabbilixxu li Hong Kong se jżomm l-awtonomija u l-indipendenza tal-poter eżekuttiv, leġiżlattiv u ġudizzjarju kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-kelma, ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u tal-istampa għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità; billi l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-awtonomija tiegħu fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni u fil-promulgazzjoni awtonoma ta' liġijiet fil-materja ta' tradiment, seċessjoni, sedizzjoni jew sovverżjoni kontra l-Gvern Ċentrali tal-Poplu; billi kemm id-Dikjarazzjoni Konġunta kif ukoll il-Liġi Bażika jistabbilixxu l-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” kif miftiehem bejn iċ-Ċina u r-Renju Unit; billi r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'dan il-mod irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; billi Hong Kong huwa parti mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

B.

billi l-UE ssostni l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt bħala valuri fundamentali li jiggwidaw ir-relazzjoni twila tagħna mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha; billi l-UE għadha ssostni bil-qawwa ż-żamma tal-istabbiltà u tal-prosperità ta' Hong Kong fl-ambitu tal-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” u tagħti importanza kbira liż-żamma tal-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong, f'konformità mal-Liġi Bażika u mal-impenji internazzjonali, kif ukoll lir-rispett ta' dan il-prinċipju; billi l-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” qiegħed jitgħawwar minħabba l-indħil tal-awtoritajiet Ċiniżi, b'mod partikolari minn mindu bdew id-dimostrazzjonijiet tal-moviment “Occupy”, il-mexxejja politiċi ġew impriġunati, il-libertà tal-kelma tnaqqret, l-għajbien furzat żdied u l-ħwienet tal-kotba u l-mezzi ta' informazzjoni nxtraw minn sidien favur Beijing;

C.

billi fit-28 ta' Mejju 2020 l-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż (NPC) adottat riżoluzzjoni li tawtorizza lill-Kumitat Permanenti tal-NPC jadotta liġijiet kontra s-separatiżmu, is-sovverżjoni tal-poter tal-Istat, it-terroriżmu u l-indħil barrani f'Hong Kong u li ssemmi wkoll miżuri oħra li għandhom jiġu adottati, fosthom l-edukazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali, l-istabbiliment ta' organi ta' sigurtà nazzjonali tal-Gvern Ċentrali tal-Poplu (CPG) f'Hong Kong u r-rappurtar regolari min-naħa tal-Kap tal-Eżekuttiv lis-CPG dwar ir-riżultati miksuba minn Hong Kong fir-rigward tad-dmir tiegħu li jiggarantixxi s-sigurtà nazzjonali;

D.

billi l-komunità internazzjonali tqis lil din id-deċiżjoni bħala theddida għall-prinċipju “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” u temmen li ma tagħtix kas id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Bażika u d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, tmur kontra l-impenji ta' Hong Kong f'dawk li huma drittijiet tal-bniedem, tinjora totalment il-proċess leġiżlattiv ta' Hong Kong u tikkostitwixxi t-tentattiv l-aktar reċenti u l-aktar sfaċċat fost it-tentattivi kontinwi li Beijing ilha snin sħaħ tagħmel biex tillimita l-libertà u l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini tiegħu;

E.

billi f'dawn l-aħħar snin, il-popolazzjoni ta' Hong Kong niżlet fit-toroq b'parteċipazzjoni bla preċedent, biex teżerċita d-dritt fundamentali ta' għaqda u ta' protesta tagħha; billi minflok naqqset it-tensjonijiet attwali fil-politika u fis-soċjetà ta' Hong Kong, din il-liġi kompliet tintensifika l-inkwiet eżistenti; billi fi Frar 2019 il-gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong ippreżenta l-Abbozz ta' Liġi 2019 dwar il-Kriminali Maħruba u l-Assistenza Legali Reċiproka f'Materja Kriminali, maħsub biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Kriminali Maħruba, li ntlaqa' minn oppożizzjoni enormi taċ-ċittadini ta' Hong Kong, u qajjem protesti tal-massa f'Hong Kong fl-2019 u fl-2020, iżda wara ġie rtirat wara 20 ġimgħa protesti;

F.

billi f'April u f'Mejju 2020 Beijing irduppjat l-isforzi tagħha biex timponi d-dominju tagħha fuq Hong Kong filwaqt li sikktet, arrestat u tellgħet il-qorti mijiet ta' attivisti favur id-demokrazija u l-gruppi tal-oppożizzjoni; billi l-pulizija ta' Hong Kong gawdiet mill-impunità għall-brutalità kollha tagħha kontra d-dimostranti fl-2019 u fl-2020; billi fis-27 ta' Mejju 2020 aktar minn 360 fost l-attivisti ta' Hong Kong favur id-demokrazija ġew arrestati matul dimostrazzjonijiet kontra l-liġi Ċiniża kontra s-sedizzjoni; billi l-pulizija ta' Hong Kong użat il-miżuri ta' tbegħid soċjali relatati mal-COVID-19 bħala pretest biex tirrikorri għall-użu ta' forza eċċessiva u bla bżonn fil-konfront tal-maġġoranza wiesgħa paċifika tad-dimostranti, inkluż l-użu tal-gass tad-dmugħ, balal tal-gomma, munizzjon beanbag u pepper spray;

G.

billi fl-20 ta' April 2020 il-Membri tal-Parlament Ewropew ħeġġew lill-Kap tal-Eżekuttiv biex jiżgura li jitwaqqgħu l-akkużi kontra 15-il attivist favur id-demokrazija li fl-2019 ipparteċipaw fi protesti paċifiċi f'Hong Kong; billi fit-13 ta' Mejju 2020 l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġew lill-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong biex jarkivjaw immedjatament il-proċediment kriminali fil-konfront tal-15-il attivist favur id-demokrazija;

H.

billi skont il-proposta għal pjan dwar is-sigurtà nazzjonali, il-gruppi ta' attivisti jistgħu jiġu pprojbiti u mtellgħa l-qorti, il-Qrati jistgħu jimponu pieni twal ta' priġunerija għal ksur tas-sigurtà nazzjonali, l-aġenziji ta' sigurtà Ċiniżi jistgħu joperaw fil-beraħ fil-belt u regoli ġodda kontra t-terroriżmu se jagħtu lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-forzi militari u tas-sigurtà Ċiniżi setgħat diskrezzjonali wiesgħa u bla kontroll biex joperaw f'Hong Kong; billi, skont rapporti, l-aġenziji tal-infurzar taċ-Ċina kontinentali diġà joperaw f'Hong Kong illegalment; billi kwalunkwe operazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'Hong Kong tikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi”;

I.

billi Carrie Lam, il-Kap tal-Eżekuttiv ta' Hong Kong, iddefendiet il-leġiżlazzjoni proposta minn Beijing, u ammettiet li f'Hong Kong mhi se ssir l-ebda konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan ta' sigurtà, barra mill-fatt li affermat li d-drittijiet u l-libertajiet mhumiex assoluti; billi l-Kap tal-Eżekuttiv għamlet appell liċ-ċittadini ta' Hong Kong b'ittra ppubblikata fil-gazzetti fid-29 ta' Mejju 2020, li fiha stidnitihom jifhmu bis-sħiħ u jsostnu bil-qawwa d-deċiżjoni adottata mill-NPC;

J.

billi fl-10 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” f'Hong Kong, li fiha enfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong hija fl-aħħar mill-aħħar soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Gvern Ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; billi l-Gvern Ċiniż ħeġġeġ lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jadotta politika ġdida ta' tolleranza żero fir-rigward ta' kwalunkwe referenza għall-“awtodeterminazzjoni” jew għall-“indipendenza”, għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali u bi ksur tal-Liġi Bażika;

K.

billi l-ġudikatura taċ-Ċina kontinentali mhijiex indipendenti mill-gvern u mill-Partit Komunista Ċiniż u hija kkaratterizzata minn detenzjonijiet arbitrarji, tortura u tipi oħra ta' maltrattament, ksur gravi tad-dritt għal proċess ġust, għajbien furzat u diversi sistemi ta' detenzjoni f'iżolament mid-dinja ta' barra u mingħajr proċess;

L.

billi koalizzjoni internazzjonali transpartitika mmexxija mill-ex Gvernatur ta' Hong Kong, Lord Patten, u li sal-lum ingħaqdu magħha 900 parlamentari u deċiżur politiku minn 40 pajjiż, ħarġet stqarrija li tikkundanna l-introduzzjoni unilaterali min-naħa ta' Beijing tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong, u stiednet lill-gvernijiet simpatizzanti jingħaqdu kontra dan il-ksur sfaċċat tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika;

M.

billi l-kamp tal-pan-demokrazija rebaħ rebħa kbira fl-elezzjonijiet distrettwali ta' Hong Kong tal-24 ta' Novembru 2019; billi f'Settembru 2020 hemm previst li jsiru l-elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong;

N.

billi Dominic Raab, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, fit-2 ta' Ġunju 2020 iddikjara fil-House of Commons li jekk iċ-Ċina tipproċedi bil-leġiżlazzjoni proposta tagħha, il-gvern se jdaħħal fis-seħħ arranġamenti ġodda biex id-detenturi tal-passaporti ta' Ċittadini Brittaniċi extra-Ewropej f'Hong Kong jitħallew jidħlu fir-Renju Unit mingħajr il-limitu attwali ta' sitt xhur, u b'hekk ikunu jistgħu jgħixu u japplikaw biex jistudjaw u jaħdmu għal perjodi ta' 12-il xahar li jistgħu jiġu prorogati, u b'hekk tiġi offruta wkoll triq lejn iċ-ċittadinanza;

O.

billi skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), “L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja”;

1.

Jiddeplora l-introduzzjoni unilaterali tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali f'Hong Kong min-naħa ta' Beijing, peress li din hija attakk komprensiv fuq l-awtonomija, l-istat tad-dritt, u l-libertajiet fundamentali tal-belt; jisħaq fuq il-fatt li l-integrità tal-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” tinsab mhedda serjament; jisħaq fuq il-fatt li l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni ppjanata dwar is-sigurtà nazzjonali tkun titqies bħala ksur tal-impenji u tal-obbligi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika, u tirriskja li tikkompremtti serjament ir-relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-Ċina u l-UE, u jaffettwa l-kooperazzjoni futura ta' bejniethom, kif ukoll il-fiduċja tan-negozju f'Hong Kong bħala ċentru finanzjarju globali importanti;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-indħil kostanti u dejjem jikber taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, kif ukoll l-affermazzjoni reċenti taċ-Ċina skont liema d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 hija dokument storiku u, għaldaqstant, m'għadhiex valida; jisħaq fuq il-fatt li l-Gvern Ċiniż huwa marbut li jirrispetta l-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu, permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta rreġistrata man-NU bħala trattat ġuridikament vinkolanti; jesprimi tħassib kbir għall-fatt li ksur permanenti tal-qafas tal-gvern awtonomu ta' Hong Kong se jħalli impatt serju fuq l-ekonomija tiegħu; jistieden lill-Gvern Ċentrali tal-PRC ma jkomplix jagħmel pressjoni fuq il-komunità tan-negozju biex jappoġġaw il-leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali, u jastjeni milli jikkwalifika l-appoġġ internazzjonali favur l-awtonomija ta' Hong Kong u l-libertajiet ta' Hong Kong bħala “ndħil f'affarijiet interni” u bħala atti ta' sovverżjoni u separazzjoni, peress li t-tħassib espress jirrigwarda obbligi internazzjonali vinkolanti tal-PRC;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw l-obbligi internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika; jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina għandha tirrispetta bis-sħiħ il-Liġi Bażika u l-prinċipju ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi”, inkluż billi finalment timplimenta s-suffraġju universali; jenfasizza li ċ-Ċina m'għandhiex iddgħajjef il-livell għoli ta' awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

4.

Jappoġġa l-valutazzjoni tal-VP/RGħ dwar il-ħtieġa ta' strateġija ġdida u aktar b'saħħitha fil-konfront ta' Ċina aktar assertiva, kif ukoll ta' djalogu miftuħ u onest; iħeġġeġ lill-Kunsill u lis-SEAE jadottaw pożizzjoni aktar soda bħala sostenn għaż-żamma tal-awtonomija ġuridika ta' Hong Kong; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa fundamentali biex is-sostenituri tad-demokrazija f'Hong Kong u l-komunità internazzjonali ġenerali jkunu jafu li l-UE se tibqa' tiddefendi l-valuri fundaturi tagħha ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

5.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jiżguraw li l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tal-UE mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jiġu ggwidati mill-prinċipji u l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, u jindirizzaw il-kwistjoni tal-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali għal Hong Kong bi prijorità assoluta fuq l-aġenda tas-summit bejn l-UE u ċ-Ċina li jmiss u waqt il-laqgħa tal-Mexxejja bejn l-UE u ċ-Ċina, kif ukoll kwistjonijiet oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħas-sitwazzjoni tal-Ujguri;

6.

Jenfasizza li l-UE hija l-akbar suq tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina; jemmen li l-UE għandha tuża l-influwenza ekonomika tagħha biex tikkuntesta r-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa taċ-Ċina b'mezzi ekonomiċi; jissottolinja li s-sitwazzjoni attwali ssaħħaħ il-konvinzjoni tal-Parlament li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jrid ikun element importanti tan-negozjati dwar ftehim ta' investiment bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, flimkien man-negozjati li għaddejjin għal ftehim bilaterali ta' investiment, biex teżerċita pressjoni fuq l-awtoritajiet Ċiniżi biex iżommu kemm il-livell għoli ta' awtonomija ta' Hong Kong kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u biex titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi-ċ-Ċina kontinentali u f'Hong Kong; itenni t-talba tiegħu biex fil-ftehim jiddaħħal kapitlu vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehim; iħeġġeġ lill-UE, skont l-Artikolu 21 tat-TUE, tinkludi klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe ftehim kummerċjali futur mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinforma lill-parti Ċiniża li, meta l-Parlament jintalab japprova ftehim komprensiv dwar l-investiment jew ftehimiet kummerċjali futuri mal-PRC, huwa se jqis is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, inkluż f'Hong Kong;

7.

Jisħaq fuq il-fatt li l-komunità internazzjonali trid taħdem mill-qrib biex teżerċita pressjoni fuq Beijing biex tiżgura li l-azzjonijiet ta' Beijing ikunu konformi mal-impenji internazzjonali taċ-Ċina skont id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984;

8.

Josserva li l-politika tal-PRC li tabbanduna l-approċċ ta' “Pajjiż Wieħed, Żewġ Sistemi” aljenat ħafna lill-popolazzjoni tat-Tajwan u tenfasizza r-rieda tiegħu li jikkoopera mas-sħab internazzjonali sabiex jgħinu fit-tisħiħ tad-demokrazija fit-Tajwan;

9.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw, fl-eventwalità li tiġi applikata din il-liġi l-ġdida dwar is-sigurtà, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja billi jallegaw li d-deċiżjoni taċ-Ċina li timponi fuq Hong Kong leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà nazzjonali tikser id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-ICCPR;

10.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkonvokaw “laqgħa Arria” biex jiddiskutu s-sitwazzjoni f'Hong Kong mal-attivisti, ir-rappreżentanti tal-NGOs u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tinsisti biex is-Segretarju Ġenerali tan-NU jew il-Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jaħtru Mibgħut Speċjali tan-NU jew Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong, biex tingħaqad mal-inizjattiva tal-Presidenti tal-Kumitati Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, tal-Kanada, tal-Awstralja u ta' New Zealand;

11.

Jistieden lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jaħdmu flimkien mal-komunità internazzjonali biex jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt internazzjonali dwar Hong Kong, u biex jikkoordinaw l-azzjoni flimkien mas-sħab internazzjonali, b'mod partikolari mar-Renju Unit;

12.

Jistieden lill-Kunsill u, b'mod partikolari, lill-Presidenza tal-Kunsill li jmiss, biex fl-2020 jiffinalizzaw il-ħidma fuq Mekkaniżmu ta' Sanzjonijiet Globali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif appoġġat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 (7), u jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati u l-iffriżar ta' assi kontra l-uffiċjali Ċiniżi responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jemmen li dan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem jista' jintuża biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-mudell tal-Liġi Magnitsky fil-konfront tal-mexxejja responsabbli minn din ir-repressjoni kontra Hong Kong u l-popolazzjoni tiegħu, kif ukoll ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-fatt li sanzjonijiet simili għandhom jiġu diskussi u, meta possibbli, ikkoordinati mas-sħab demokratiċi bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel;

13.

Jitlob li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jaħdmu favur l-impożizzjoni ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fuq l-esportazzjonijiet, inklużi apparat ta' ċibersorveljanza, sabiex iċaħħdu liċ-Ċina, u b'mod partikolari lil Hong Kong, mill-aċċess għal teknoloġiji li jintużaw biex jiksru d-drittijiet bażiċi; jappella lill-koleġiżlaturi, f'dan ir-rigward, jikkonkludu pożizzjoni komuni dwar ir-riforma tar-Regolament dwar il-Prodotti b'Użu Doppju; jenfasizza li l-Parlament kompla jiżviluppa u jsaħħaħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta' kontrolli stretti tal-esportazzjonijiet għal teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika, inklużi fil-listi rilevanti u mhux inklużi;

14.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw b'attenzjoni kif jevitaw id-dipendenza ekonomika, u b'mod partikolari dik teknoloġika, mill-PRC, inkluż fid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri tal-UE dwar l-iżvilupp tan-networks 5G tagħhom;

15.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-ħolqien ta' skema ta' salvataġġ (“life-boat” scheme) għaċ-ċittadini ta' Hong Kong fil-każ ta' xi deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

16.

Jikkundanna bil-kbir il-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Hong Kong, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konsenji, il-konfessjonijiet furzati, id-detenzjoni sigrieta u l-ksur tal-libertajiet ta' pubblikazzjoni u ta' espressjoni; jitlob it-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjonijiet politiċi; jesprimi tħassib serju dwar ir-rapporti ta' prattiki ta' detenzjoni sigrieta, ta' tortura u maltrattament u ta' konfessjonijiet furzati; jistieden lill-Istati Membri tal-UE japplikaw bis-sħiħ il-linji gwida rilevanti tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, jimmobilizzaw il-persunal diplomatiku kollu tagħhom biex jirreaġixxu b'mod riżolut għall-arresti u l-kundanni ta' attivisti, inkluż billi jiżguraw li l-proċessi jiġu osservati, jitolbu żjarat fil-ħabs u jgħinu lill-awtoritajiet rilevanti biex iħeġġu l-ħelsien ta' dawk miżmuma u kkundannati talli eżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà ta' espressjoni tagħhom;

17.

Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, imparzjali, effikaċi u f'waqtha dwar l-użu tal-forza min-naħa tal-pulizija ta' Hong Kong kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżguraw li jitwaqqgħu l-akkużi kontra l-15-il attivist u l-politiċi favur id-demokrazija, kif ukoll dawk kontra d-dimostranti paċifiċi, u li l-prosekuzzjoni tiġi arkivjata, b'mod partikolari, Martin Lee, Margaret Ng, Lee Cheuk-yan, Benny Tai, Jimmy Lai, Albert Ho u Leung Kwok-hung;

18.

Jesprimi tħassib kbir għad-deterjorament kostanti tad-drittijiet ċivili, tad-drittijiet politiċi u tal-libertà tal-istampa; huwa mħasseb bil-kbir bl-abrogazzjoni tad-drittijiet tal-ġurnalisti, bil-pressjoni bla preċedent fuq il-ġurnalisti u l-awtoċensura dejjem akbar fil-konfront tagħhom, b'mod partikolari rigward ir-rapportar ta' kwistjonijiet sensittivi fiċ-Ċina kontinentali jew ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

19.

Jesprimi tħassib dejjem akbar dwar ir-riskju għoli tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali għal għexieren ta' eluf ta' ċittadini tal-UE f'Hong Kong;

20.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib u jirrappurtaw b'mod regolari dwar it-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv (LegCo) li attwalment huma previsti għal Settembru, u jieħdu nota partikolari dwar jekk il-kandidati humiex ipprojbiti b'mod inġust milli joħorġu għall-elezzjonijiet permezz ta' ostakli proċedurali jew ta' proċedimenti legali bla bażi, u jieħdu nota wkoll dwar jekk kulħadd jistax jeżerċita d-dritt li jingħaqad flimkien għal skopijiet ta' kampanja elettorali, u jekk il-votanti jistgħux jitfgħu l-voti tagħhom liberament; jistieden lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong jiżgura li jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Settembru 2020; iħeġġeġ liċ-Ċina tastjeni milli tindaħal fil-proċessi elettorali fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong; itenni l-appell tiegħu għal riforma sistematika biex jiġu implimentati elezzjonijiet diretti għall-kariga ta' Kap tal-Eżekuttiv u għall-Kunsill Leġiżlattiv, kif minqux fil-Liġi Bażika, u jitlob li jintlaħaq ftehim dwar sistema elettorali li tkun kumplessivament demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti, u li tagħti liċ-ċittadini tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong id-dritt li jeleġġu kandidati u li joħorġu għall-elezzjoni fil-proċess tal-għażla għall-karigi ta' tmexxija kollha;

21.

Jappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-bejjiegħ tal-kotba Żvediż, Gui Minhai, inkarċerat fil-PRC;

22.

Jitlob li l-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jqajmu b'mod persistenti dawn il-punti ta' tħassib kollha u jiżguraw djalogu mal-gvernijiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u taċ-Ċina; ifakkar fl-importanza biex f'kull djalogu politiku u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari il-każ tal-minoranzi fit-Tibet u fix-Xinjiang, f'konformità mal-impenn tal-UE li titkellem b'vuċi waħda, ċara u b'saħħitha fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; ifakkar, barra minn hekk, li fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u fl-involviment dinji dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella li jitkompla d-djalogu maċ-Ċina sabiex jiġi żgurat li hija tonora dawn l-impenji;

23.

Juri rispett lejn il-poplu kuraġġuż taċ-Ċina li f'Ġunju 1989, inġabar fil-Pjazza Tiananmen f'Beijing, biex jitlob it-tmiem tal-korruzzjoni, riformi politiċi u libertajiet ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jippermettu li l-massakru ta' Tiananmen jiġi mfakkar, mhux biss f'Hong Kong, iżda ukoll fit-territorju kollu tal-PRC;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-Kap tal-Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2019)0004.

(2)  ĠU C 244, 27.6.2018, p. 78.

(3)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 46.

(4)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 156.

(5)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 103.

(6)  ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2019)0215.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/77


P9_TA(2020)0175

Is-sitwazzjoni taż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (2020/2640(RSP))

(2021/C 362/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-35 anniversarju tal-Ftehim ta' Schengen iffirmat fl-14 ta' Ġunju 1985 (1), it-30 anniversarju tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen iffirmata fid-19 ta' Ġunju 1990 (2), u l-25 anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Schengen fis-26 ta' Marzu 1995,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li l-Unjoni jeħtiġilha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li għandu jiżgura “li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21(1) tat-TFUE, li jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż l-Artikolu 45 tagħha, li jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (3), li kkodifika r-Regolament (KE) Nru 562/2006 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), li kien l-ewwel att adottat fl-ambitu tal-proċedura ta' kodeċiżjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu) (5), u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni li jinsab fih,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni (“COVID-19: Linji gwida għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri li jipproteġu s-saħħa u li jiżguraw id-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali”) tas-16 ta' Marzu 2020 (C(2020)1753), approvati mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fis-17 ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-vidjokonferenza tas-17 ta' Marzu 2020 mal-membri tal-Kunsill Ewropew dwar il-COVID-19, li approvaw it-talba biex jissaħħu l-fruntieri esterni billi tiġi applikata restrizzjoni temporanja kkoordinata fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal perjodu ta' 30 jum, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “COVID-19: Restrizzjoni Temporanja fuq Vjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE” (COM(2020)0115) u l-estensjoni sussegwenti tagħha,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta' tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi” tat-30 ta' Marzu 2020 (C(2020)2050),

wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19 ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni u mill-President tal-Kunsill Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2020 dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (COM(2020)0148),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni – COVID-19” tat-13 ta' Mejju 2020 (C(2020)3250),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija: abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fuq l-art, tal-baħar u tal-ajru (7),

wara li kkunsidra l-ħidma preparatorja għal din ir-riżoluzzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-Iskrutinju ta' Schengen,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (O-000037/2020 – B9-0010/2020 u O-000038/2020 – B9-0011/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li, minħabba s-suġġett ta' din ir-riżoluzzjoni, jinkludu l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen, introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqu dawn il-fruntieri parzjalment jew totalment, jew għalquhom għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom u ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor; billi, meta ġew introdotti dawn il-miżuri, kien hemm nuqqas ċar ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.

billi l-kontrolli fil-fruntieri interni jaffettwaw id-drittijiet u l-libertajiet tan-nies kif minqux fil-liġi tal-Unjoni; billi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni ma għandhomx jaffettwaw id-dritt li wieħed ifittex asil;

C.

billi l-moviment liberu tal-persuni previst fil-Ftehim ta' Schengen u fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen huwa akkumpanjat minn miżuri ta' kumpens li għandhom l-għan li jiggarantixxu s-sigurtà fit-territorju tal-Istati ta' Schengen (8); billi dawn il-miżuri ta' kumpens jinkludu strumenti bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira li jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati ta' Schengen u regoli komuni għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni;

D.

billi r-rekwiżit ewlieni għall-funzjonament tajjeb taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni huwa l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri;

E.

billi, wara t-tneħħija oriġinali tal-kontrolli fil-fruntieri interni, dawn il-kontrolli rarament reġgħu ġew introdotti; billi sa mill-2015, madankollu, diversi Stati Membri żammew kontrolli fil-fruntieri interni abbażi tal-ġustifikazzjoni ta' żieda fil-livelli ta' migrazzjoni u/jew theddid għas-sigurtà; billi l-Parlament qajjem mistoqsijiet dwar il-legalità u l-proporzjonalità ta' dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni;

F.

billi huwa ferm importanti li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ sabiex tipproteġi l-prinċipju tal-libertà ta' moviment bħala wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea u bħala prerekwiżit ewlieni għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19;

1.

Ifakkar li ż-żona Schengen hija kisba tanġibbli u għal qalb il-proġett tal-UE, li tippermetti vjaġġar mingħajr restrizzjonijiet għal aktar minn 400 miljun persuna u li għandha valur imprezzabbli kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji, u hija unika fl-istorja u fid-dinja kollha;

2.

Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti minn bosta Stati Membri, u d-diversi miżuri oħra meħuda li jinkludu l-għeluq tal-fruntieri kompletament jew parzjalment, jew l-għeluq tagħhom għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE jew ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti fit-territorju tal-Istati Membri, u l-impatt serju ħafna li dawn il-miżuri qed ikollhom fuq in-nies u n-negozji, inkluż fuq is-setturi tat-turiżmu u tax-xogħol staġjonali;

3.

Jirrimarka, filwaqt li jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri tas-saħħa pubblika stabbiliti biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19 permezz ta' tbegħid fiżiku, inklużi miżuri ta' konfinament imposti deċiżi mill-Istati Membri biex ikunu applikabbli għat-territorji tagħhom, li l-Istati Membri pprovdew ftit ġustifikazzjoni fin-notifiki formali tagħhom skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen dwar kif il-kontroll fil-fruntieri huwa mezz xieraq biex tiġi limitata l-firxa tal-COVID-19; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-kontroll fil-fruntieri huwa definit fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen bħala “l-attività mwettqa fuq fruntiera bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta' qsim jew l-att ta' qsim ta' dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra”; jemmen li restrizzjonijiet aktar immirati applikabbli fil-livell reġjonali, inklużi r-reġjuni transfruntiera, kienu jkunu aktar xierqa u inqas intrużivi;

4.

Jirrimarka li r-regoli li jirregolaw il-fruntieri interni tal-Unjoni huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u li meta jadottaw kwalunkwe miżura li jkollha impatt fuq il-qsim tal-fruntieri interni, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw kemm l-ispirtu kif ukoll l-ittra ta' dak il-Kodiċi;

5.

Ifakkar li t-terminoloġija tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen hija inekwivoka: il-kontroll fil-fruntieri interni għandu jkun l-eċċezzjoni, miżura tal-aħħar għażla, abbażi ta' kriterji oġġettivi, li x'aktarx tirrimedja b'mod adegwat it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, strettament meħtieġa u proporzjonata, b'kamp ta' applikazzjoni strettament limitat u għal perjodu ta' żmien strettament limitat; iqis li ħafna min-notifiki li pprovdew l-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed dettall biex jippermettu verifika dwar jekk dawk il-prinċipji ġewx rispettati;

6.

Jirrimarka li l-kunċett ta' “l-aħħar għażla” jirrikjedi verifika dwar jekk miżuri oħra jistgħux ikunu ugwalment jew aktar adattati biex jintlaħaq l-objettiv; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-għażla li jimponu kontrolli minimi tas-saħħa bħala alternattiva aħjar mill-introduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri interni; ifakkar f'dan ir-rigward fil-miżuri relatati mas-saħħa dettaljati fil-linji gwida tal-Kummissjoni (9); ifakkar, barra minn hekk, fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija (10), li skontha “fejn f'sitwazzjoni ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, l-Istati Membri jikkunsidraw li japplikaw il-kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/399 (li jintroduċi kontroll fil-fruntieri interni), huma għandhom l-ewwel jivvalutaw jekk is-sitwazzjoni tistax tiġi indirizzata b'mod adegwat billi jiġu intensifikati l-verifiki tal-pulizija fit-territorju, inkluż fiż-żoni tal-fruntiera”;

7.

Jirrikonoxxi li ż-Żona Schengen qatt qabel ma esperjenzat it-tifqigħa ta' pandemija serja bħal din fit-territorju tagħha; ifakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jiddikjaraw b'mod espliċitu li theddida għas-saħħa pubblika tista' tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta' dħul fil-fruntiera esterna, u jfakkar ukoll li la l-Kodiċi, u lanqas il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ma jsemmu s-saħħa pubblika bħala raġuni għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni, u din l-introduzzjoni mill-ġdid hija prevista biss biex tindirizza theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna;

8.

Jiddispjaċih għall-fatt li xi Stati Membri introduċew kontrolli fil-fruntieri u restrizzjonijiet oħra fil-fruntieri fi żmien qasir mingħajr ma pprovdew biżżejjed informazzjoni lill-popolazzjonijiet tagħhom stess u lil Stati Membri oħra; jiddeplora, barra minn hekk, il-konsegwenzi kollaterali tal-verifiki fil-fruntieri osservati f'xi fruntieri interni, bħal ħinijiet ta' stennija eċċessivi mingħajr faċilitajiet xierqa ta' iġjene u tbegħid fiżiku adegwat, li b'hekk joħolqu riskji għas-saħħa kemm għall-persuni soġġetti għall-verifiki fil-fruntieri kif ukoll għall-gwardji tal-fruntieri, u l-piż addizzjonali fuq gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tal-pulizija diġà taħt pressjoni kbira u li mhumiex professjonisti tas-saħħa mħarrġa; jesprimi tħassib, barra minn hekk, dwar il-ħafna ostakli li ltaqgħu magħhom ħafna ħaddiema transfruntiera fiż-żona Schengen minn mindu faqqgħet il-pandemija, inkluż in-nuqqas ta' informazzjoni ċara u disponibbli dwar ir-restrizzjonijiet applikabbli għalihom meta jaqsmu l-fruntieri;

9.

Jinnota li, skont id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta' moviment u ta' residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità, għal raġunijiet ta' saħħa pubblika; jinsisti, madankollu, li s-salvagwardji stabbiliti f'din id-direttiva jridu jiġu garantiti mill-Istati Membri kollha u li trid tiġi żgurata, b'mod partikolari, in-nondiskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini proprji tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE residenti;

10.

Iqis li huwa importanti ħafna li ż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona b'mod sħiħ, u jiddependi kemm mir-rieda politika tal-Istati Membri kif ukoll mill-impenn tagħhom li jikkoordinaw miżuri skont l-acquis ta' Schengen; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fil-koordinazzjoni ta' azzjoni fil-livell Ewropew, bl-objettiv li tindirizza l-isfida li toħloq il-COVID-19 għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li żżomm iż-żona Schengen bħala żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, b'rispett sħiħ għall-prinċipji tas-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka; jemmen li t-tfittxija għal risponsi Ewropej se twassal għal benefiċċji reċiproċi; jiddeplora u jiċħad kwalunkwe azzjoni mhux ikkoordinata, bilaterali jew multilaterali minn Stati Membri, diskussa barra mill-qafas tal-Unjoni; jirrikjedi li kwalunkwe arranġament irid jirrispetta l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment bl-istess mod li qed jiġu rilassati l-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19; iqis li bil-koordinazzjoni xierqa fil-livell tal-Unjoni, approċċ aktar reġjonali jista' jkun aktar proporzjonat mill-kontrolli fil-fruntieri nazzjonali u jista' jippermetti li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment fejn is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fir-reġjuni ġirien tjiebet b'mod komparabbli;

12.

Jistieden, b'mod urġenti, lill-Istati Membri jiddiskutu, flimkien mal-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, Pjan ta' Rkupru għal Schengen, inklużi l-modi u l-mezzi kif iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona bis-sħiħ mingħajr pjanijiet ta' kontroll fil-fruntieri interni u ta' kontinġenza f'każ tat-tieni quċċata potenzjali, kemm jista' jkun malajr, sabiex jiġi evitat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru semipermanenti fuq perjodu medju ta' żmien;

13.

Ifakkar li, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-valutazzjoni tal-ħtieġa għall-kontroll fil-fruntieri interni u l-estensjoni tiegħu, meta jiġi introdott għaliex ikun hemm bżonn ta' azzjoni immedjata, għandha tiġi mmonitorjata fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, teżerċita skrutinju xieraq fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, u b'mod partikolari tivvaluta l-miżuri li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, kif ukoll il-puntwalità u l-kwalità tan-notifiki mill-Istati Membri, tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi u, fejn meħtieġ, tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi legali tagħhom u tadotta opinjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-prerogattivi tagħha biex titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappurtar tagħha lill-Parlament dwar kif teżerċita l-prerogattivi fl-ambitu tat-Trattati;

14.

Jiddeplora l-fatt li d-dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, li skontha l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw fi żmien erba' ġimgħat mit-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, tilfet l-iskop maħsub tagħha, u dan iwassal biex il-Parlament ma jkunx infurmat; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri li introduċew kontrolli fil-fruntieri interni biex jirrapportaw fil-ħin, mill-inqas kull sitt xhur, lill-Parlament billi jipprovdu data preċiża u dettaljata dwar ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni; jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni ilha mill-2015 ma tippubblika r-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, ħaġa li hija obbligata li tagħmel skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen;

15.

Ifakkar li ġew introdotti restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar għall-vjaġġi mhux essenzjali kollha lejn iż-Żona Schengen; jissottolinja li d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-rifjut ta' dħul fil-fruntieri esterni jeħtieġ li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali b'mod partikolari, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tiegħu;

16.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex titlesta l-integrazzjoni tal-Istati Membri kollha tal-UE fl-ispazju Schengen; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jippreżenta abbozz ġdid ta' deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Bulgarija u fir-Rumanija malajr kemm jista' jkun; jinsab lest li, meta jikkonsultah il-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni, biex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Kroazja; iqis li s-solidarjetà u r-responsabbiltà huma għal kulħadd, u li l-futur taż-żona Schengen jista' jkun biss wieħed mingħajr frammentazzjoni;

17.

Iqis li, fuq perjodu medju ta' żmien, hija meħtieġa riflessjoni dwar kif tista' tittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u jiġi żgurat li l-għodod leġiżlattivi tal-Unjoni jipprevedu governanza verament Ewropea taż-żona Schengen, li tkun tippermetti rispons Ewropew ikkoordinat effettiv għall-isfidi bħall-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jinżamm id-dritt għal-libertà ta' moviment u l-prinċipju tan-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni, li huwa fil-qalba tal-proġett ta' Schengen u li ċ-ċittadini tal-UE japprezzaw ħafna; jappella għal proposta mill-Kummissjoni għal dak il-għan sabiex tiġi riformata l-governanza ta' Schengen fid-dawl ta' sfidi ġodda;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  L-acquis ta' Schengen – Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 13).

(2)  L-acquis ta' Schengen – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).

(3)  ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

(4)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(6)  ĠU C 76, 9.3.2020, p. 106.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0497.

(8)  Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-26 ta' Ġunju 1996 dwar l-estradizzjoni (SCH/Com-ex (96) Decl. 6 Rev. 2) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 435).

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2020)1753 tas-16 ta' Marzu 2020 għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri li jipproteġu s-saħħa u li jiżguraw id-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali;

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2017)3349 final tat-12 ta' Mejju 2017 dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/82


P9_TA(2020)0176

Protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntieri u staġunali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (2020/2664(RSP))

(2021/C 362/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 9, 26(2), 45, 46, 48, 151, 153 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipji 5, 6, 10, 12 u 16 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (11),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000, dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma' meta wieħed jiġi espost għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (13),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (14),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-COVID-19 — Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni (C(2020)3250),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Imsieħba Soċjali Ewropej tal-Agrikoltura — il-Grupp ta' Min Iħaddem tal-Assoċjazzjonijiet tal-Agrikoltura Professjonali fl-UE (GEOPA-COPA) u l-Federazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tal-Ikel, l-Agrikoltura u t-Turiżmu (EFFAT) — tal-15 ta' Mejju 2020 dwar l-iskjerament ta' ħaddiema staġjonali minn pajjiżi Ewropej fl-UE,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tal-Imsieħba Soċjali tas-settur Horeca Ewropew — EFFAT u l-assoċjazzjoni umbrella tal-lukandi, ir-ristoranti u l-kafetteriji (HOTREC) — tal-11 ta' Marzu 2020 u s-27 ta' April 2020,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tas-Sħab Soċjali fl-industrija tal-manifattura tal-ikel, EFFAT u FoodDrinkEurope tad-9 ta' April 2020 biex jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fin-negozju tal-ikel matul il-pandemija tas-COVID-19,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (15),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirresjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru, u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (16),

wara li kkunsidra l-Patt Globali tal-2018 għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, b'mod partikolari l-Objettivi 5 u 22,

wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2020 dwar Rispons Ekonomiku Koordinat għat-Tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0112),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2020 dwar il-linji gwida li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-30 ta' Marzu 2020 dwar il-COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta' tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika tal-viżi (C(2020)2050),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju (18),

wara li kkunsidraw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 184 tal-ILO (Sikurezza u Saħħa fl-Agrikoltura),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kumissjoni tat-13 ta' Mejju 2020 dwar it-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn (COM(2020)0550),

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tal-24 ta' April 2020 bit-titolu “COVID-19: lura fuq il-post tax-xogħol — adattament tal-postijiet tax-xogħol u protezzjoni tal-ħaddiema”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa dritt għall-ħaddiema u prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern; billi l-mobilità tax-xogħol m'għandhiex tkun biss libera iżda wkoll ġusta; billi l-Artikolu 45 TFUE jistipula li l-libertà tal-moviment għandha timplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri rigward l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg; billi dan il-prinċipju japplika b'mod ugwali għall-ħaddiema transfruntiera kif ukoll staġjonali, li għandhom jiġu ggarantiti trattament ugwali bħal ħaddiema li huma ċittadini tal-Istat Membru ospitanti tagħhom f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, kemm jekk ikunu drittijiet ugwali, kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali jew protezzjoni ugwali;

B.

billi l-ħaddiema transfruntiera jinkludu persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu biex jaħdmu fi Stat Membru tal-UE filwaqt li jibqgħu residenti fi Stat ieħor, ħaddiema fil-fruntiera u ħaddiema stazzjonati; billi ħaddiem fil-fruntiera huwa ħaddiem li huwa impjegat fiż-żona tal-fruntiera ta' Stat Membru tal-UE iżda li jirritorna kuljum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa lejn iż-żona tal-fruntiera ta' pajjiż ġar li jkun jgħix fih u li tiegħu ikun ċittadin; billi ħaddiem stazzjonat huwa impjegat li jintbagħat minn min iħaddmu jwettaq servizz fi Stat Membru ieħor tal-UE fuq bażi temporanja, fil-kuntest ta' kuntratt ta' servizzi, kollokazzjoni fi ħdan il-grupp jew reklutaġġ permezz ta' aġenzija temporanja; billi l-ħaddiema staġjonali jinkludu ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn Stat Membru biex temporanjament jgħixu u jwettqu attività li tiddependi mill-mogħdija tal-istaġuni;

C.

billi hemm aktar minn 17-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom f'pajjiż tal-UE li mhuwiex dak taċ-ċittadinanza tagħhom (3,9 % tal-forza tax-xogħol totali fl-2018); billi fl-2014, kien hemm 1,5 miljun stazzjonament ta' ħaddiema fl-UE billi hemm aktar minn 2,3 miljun operazzjoni ta' stazzjonar li għalihom jitwettqu servizzi fi Stat Membru ieħor;

D.

billi l-pandemija tas-CO19 hija theddida serja għas-saħħa pubblika, li tħalli impatt fuq is-saħħa u l-ħajja tal-persuni kollha li jgħixu fl-UE u fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura fl-Istati Membri; billi l-kriżi kellha impatt ulterjuri fuq is-soċjetà Ewropea u l-ekonomija Ewropea, b'mod partikolari fuq dawk il-ħaddiema u setturi, li huma fuq quddiem nett; billi l-ħaddiema kollha huma affettwati, irrispettivament mill-istatus tagħhom; billi t-tifqigħa tal-pandemija tefgħet dawl fuq ir-rabta inerenti bejn il-mobilità ġusta u sikura;

E.

billi ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali huma essenzjali għall-forniment ta' prodotti u servizzi kritiċi f'setturi ekonomiċi ewlenin bħall-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, it-trasport, il-loġistika, il-kostruzzjoni, is-servizzi soċjali inklużi l-kura, ix-xogħol soċjali u t-turiżmu, iżda wkoll l-ipproċessar u l-ippakkjar tal-ikel, is-sajd, il-forestrija, il-kura tas-saħħa u r-riċerka, l-industriji tal-IT u tal-farmaċewtika, industriji infrastrutturali kritiċi u setturi oħra, u huma vitali għal kwalunkwe sforz ta' rkupru ekonomiku; billi l-mudelli kummerċjali ta' xi aġenziji u impjegaturi temporanji f'dawn is-setturi jistgħu jkunu bbażati fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; billi l-ispettorati tax-xogħol ripetutament jirrapportaw ksur tad-drittijiet tax-xogħol ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali f'dawn is-setturi;

F.

billi l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali ntlaqtu ħażin ferm kemm mill-kriżi kif ukoll mill-miżuri tal-Istati Membri biex jitrażżan u jiġi evitat it-tixrid tal-virus, b'mod partikolari l-għeluq tal-fruntieri, ir-restrizzjonijiet temporanji u l-kontrolli fil-fruntieri interni; billi l-pandemija tas-COVID-19 wasslet għall-għeluq tal-fruntieri u l-waqfien jew is-sospensjoni ta' bosta attivitajiet ekonomiċi, li mbagħad wasslu għal żieda fil-qgħad u kwistjonijiet serji ta' rilokazzjoni għal ħaddiema transfruntiera u staġjonali li sabu lilhom infushom imblukkati fl-Istati Membri fejn kienu impjegati qabel, mingħajr mezzi ta' dħul, protezzjoni jew trasport u, xi drabi, mingħajr kenn, aċċess għal kura tas-saħħa jew għall-ikel; billi l-ħaddiema żgħażagħ u nisa li huma transfruntiera jew staġjonali jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli;

G.

billi numru kbir ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali huma impjegati b'kuntratti ta' xogħol għal żmien qasir, li jagħtuhom ftit li xejn sigurtà ta' impjieg u l-ebda kopertura ta' sigurtà soċjali jew kopertura insuffiċjenti, u spiss iħalluhom taħt il-livelli nazzjonali biex jikkwalifikaw li jirċievu benefiċċji soċjali; billi ħafna drabi l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali jiġu minn reġjuni foqra u vulnerabbli, minn minoranzi u minn gruppi soċjali, ħafna drabi jkunu f'riskju ta' faqar fl-impjieg u ta' esklużjoni soċjali, u jistgħu jkunu soġġetti għal ksur possibbli tad-drittijiet tagħhom minn dawk li jirreklutaw, l-aġenziji jew minn min iħaddem, li kollha kemm huma ġew aggravati mill-pandemija; billi l-ħaddiema fuq xogħol għal żmien qasir ħafna drabi jgħixu f'akkomodazzjoni fi grupp, u dan jagħmel tbegħid soċjali diffiċli u jżid ir-riskju ta' infezzjoni tagħhom; billi tifqigħat kbar ta' infezzjonijiet tal-COVID-19 seħħew f'industriji bħall-produzzjoni tal-ikel u x'aktarx li jkomplu f'setturi u f'postijiet tax-xogħol fejn jista' jkun diffiċli li jiġi osservat tbegħid soċjali sakemm ma jiġux introdotti miżuri xierqa;

H.

billi bosta ħaddiema transfruntiera u staġjonali huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19; billi matul il-kriżi tfaċċaw rapporti inkwetanti ta' ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, b'mod partiklari dwar il-ħin tax-xogħol, il-pagi minimi, is-sensji inġusti, l-istandards tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, bħal pereżempju nuqqas ta' struzzjonijiet bil-miktub u avviżi fuq il-post tax-xogħol, nuqqas ta' trasport sikur u akkomodazzjoni diċenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti sanitarji u fejn jistgħu jinżammu miżuri ta' tbegħid soċjali, pressjoni għolja u mudelli ta' xogħol mhux adattati, arranġamenti ta' stazzjonar u prattiki ta' sottokuntrattar, nuqqas ta' konformità mar-restrizzjonijiet ta' kwarantina u mal-appoġġ ta' ripatrijazzjoni, u forniment inadegwat ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE); billi dawn ir-rapporti u l-kriżi ġeneralment esponew u aggravaw id-dumping soċjali u l-prekarjetà eżistenti tas-sitwazzjonijiet ta' ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-protezzjoni tagħhom; billi ħafna ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-prattika huma dipendenti fuq min iħaddimhom jew fuq aġenzija temporanja mhux biss għad-dħul tagħhom, iżda wkoll għall-akkomodazzjoni tagħhom; billi bosta ħaddiema transfruntiera u staġjonali sfaw mingħajr saqaf fuq rashom wara li ngħataw s-sensja; billi minħabba ċ-ċirkostanzi vulnerabbli tagħhom, dawn il-ħaddiema jistgħu jsibuha diffiċli li jirrapportaw abbużi jew li ma jmorrux ix-xogħol jekk iħossuhom morda, minħabba nuqqas ta' informazzjoni jew biża' li jitilfu d-dħul, l-akkomodazzjoni jew l-istatus ta' residenza tagħhom;

I.

billi l-persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri transfruntiera ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi; billi l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19 sabiex il-ħaddiema, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri jiġu kkumpensati finanzjarjament huma prinċipalment ibbażati fuq is-suq tax-xogħol nazzjonali u ħafna drabi ma jqisux b'mod adegwat il-ħaddiema transfruntiera u l-persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom;

J.

billi għadd ta' ħaddiema qabdithom il-COVID-19, u kien hemm fatalitajiet f'diversi Stati Membri; billi l-aċċess ta' tali ħaddiema għal kura xierqa, għal kura għal strutturi mediċi kif ukoll għal assigurazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali kien problematiku jew f'xi każijiet ineżistenti anke qabel il-kriżi; billi l-promozzjoni u l-aċċess għal-liv minħabba l-mard fost dawn il-ħaddiema huma wkoll problema;

K.

billi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ġiet stabbilita f'Lulju 2019 bil-għan li tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni u l-infurzar effikaċi tad-dritt tal-Unjoni relatat mal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; billi l-ELA mistennija tilħaq il-kapaċità operazzjonali sħiħa tagħha sal-2024;

L.

billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u s-sħab soċjali kienu strumentali fil-provvediment ta' għajnuna lill-ħaddiema matul il-kriżi, kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom kif ukoll fl-Istati Membri tal-impjieg tagħhom;

M.

billi l-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali affettwati mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 s'issa ma setgħux jaċċedu drittijiet adegwati fil-qasam tal-protezzjoni u s-sigurtà soċjali, minħabba l-koordinazzjoni mxekkla bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri li ġiet aggravata mill-COVID-19; billi l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali sabu ruħhom f'sitwazzjonijiet fejn mhumiex neċessarjament eliġibbli għal miżuri temporanji ta' appoġġ bħal skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar, benefiċċji tal-qgħad aġġustati u miżuri intiżi sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol mid-dar;

N.

billi matul il-kriżi xi Stati Membri ħadu azzjoni biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw il-ħaddiema migranti transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 u biex jieħdu nota tar-rwol tagħhom fis-soċjetajiet tagħna;

O.

billi l-ħaddiema fruntaliera u r-reġjuni tal-fruntiera tal-UE ġew ukoll affettwati serjament mill-kriżi f'termini ta' impjiegi, aċċess għall-postijiet tax-xogħol u arranġamenti tat-telexogħol, u l-inċertezza tad-dritt fir-rigward tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa applikabbli;

P.

billi s-settur agrikolu Ewropew ġieli jkollu dħul li jkun anqas mill-medja flimkien ma' ħin twil tax-xogħol, każijiet ta' inċidenti u mard u parteċipazzjoni baxxa fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ, b'mod partikolari għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali; billi l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol fis-settur agrikolu huma waħda mill-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' ħaddiema f'xi Stati Membri;

Q.

billi ma hemm l-ebda sistema ta' ġbir sistematiku ta' data jew ta' traċċar diġitali fis-seħħ fil-livell tal-UE biex tiġi pprovduta data adegwata dwar l-għadd totali ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali affettwati jew biex il-ħaddiema jkunu jistgħu faċilment u malajr jistabbilixxu l-istatus tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom u jitolbu diversi intitolamenti akkumulati qabel ma bdiet il-kriżi; billi wisq ta' spiss il-muniċipalitajiet ma jkollhomx informazzjoni dwar il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali li qed jgħixu u jaħdmu hemmhekk;

R.

billi hemm riskju li l-kriżi tista' tkompli taggrava l-problemi eżistenti fit-trattament ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali minn ċerti aġenziji ta' reklutaġġ u min iħaddem fil-livell lokali;

Il-protezzjoni tad-drittijiet, l-iżgurar tas-sigurtà u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ

1.

Jilqa' l-gwida kontinwa tal-Kummissjoni bħala parti mill-koordinazzjoni li għaddejja bħalissa ta' rispons komuni tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni, u l-eżerċizzju tal-moviment liberu u ġust tal-ħaddiema; jenfasizza li l-kontrolli fuq il-fruntieri, l-iskrinjar tas-saħħa u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment jeħtiġilhom jibqgħu proporzjonati u eċċezzjonali u li għandha tiġi stabbilita mill-ġdid il-libertà ta' moviment fit-totalità tagħha hekk kif is-sitwazzjoni nazzjonali titqies sikura fir-rigward tal-COVID-19; ifakkar li l-prinċipju ta' trattament ugwali mhuwiex limitat għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali f'setturi u okkupazzjonijiet essenzjali biss, iżda jestendi għall-ħaddiema kollha li għandhom bżonn jaqsmu l-fruntieri interni, minħabba li s-setturi li fihom jaħdmu huma miftuħa wkoll għall-ħaddiema lokali fl-Istat Membru ospitanti li fih jaħdmu; jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex ineħħu malajr kemm jista' jkun ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri diskriminatorji ta' konfinament u ta' kwarantina għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali biex jiġi evitat in-nuqqas ta' ħaddiema f'setturi fundamentali u għall-benefiċċju tal-ħaddiema, filwaqt li jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà tagħhom;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jiżguraw li l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali u l-intraprendituri transfruntiera u l-persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom jingħataw protezzjoni adegwata mill-COVID-19 u l-effetti tagħha, inkluż aċċess faċli għall-ittestjar, u jkunu infurmati dwar ir-riskji u l-prekawzjonijiet ta' sigurtà li għandhom jittieħdu b'lingwa li jifhmu; jenfasizza l-vulnerabbiltà partikolari tal-ħaddiema żgħażagħ u nisa transfruntiera jew staġjonali; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm miżuri biex jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà tagħhom jiġu ssalvagwardjati matul l-ivvjaġġar tagħhom u kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni deċenti li jiżguraw it-tbegħid soċjali fil-postijiet tax-xogħol tagħhom jekk ma jkunux ir-residenza tagħhom, u li s-soluzzjonijiet ta' ripatrijazzjoni li ma jkunux għad-detriment tal-ħaddiem isiru disponibbli, jekk ikunu meħtieġa; jissottolinja li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-aċċess għad-drittijiet soċjali, inkluża l-esportazzjoni tagħhom, trid tiġi rispettata; jenfasizza li l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali ma għandhomx jintesew wara li jeżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom bħala ċittadini tal-UE;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tas-sħab soċjali u l-OSĊ li qed jaħdmu attivament f'dan il-qasam sabiex jiżguraw li kwalunkwe ħaddiem li jitħalla l-art fit-territorju tagħhom minħabba l-kriżi, jew minħabba raġuni oħra, ikollu aċċess adegwat u urġenti għas-servizzi pubbliċi, appoġġ tat-trade unions, akkomodazzjoni deċenti, tagħmir protettiv, ikel u kura tas-saħħa; jilqa' l-involviment tas-sħab soċjali biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi għas-settur fir-rigward tal-mobbiltà u d-drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, fil-kuntest tal-COVID-19, it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi u l-ħaddiema staġonali li huma ċittadini tal-UE, kif iddikjarat fid-Direttiva 2014/36/UE, filwaqt li jfakkar li dawn il-ħaddiema għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol u drittijiet soċjali bħaċ-ċittadini tal-UE;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, b'urġenza, l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE fir-rigward tad-drittijiet ta' ħaddiema transfruntiera u staġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post, inkluż permezz ta' spezzjonijiet tax-xogħol, miftiehma u konġunti, fil-livell nazzjonali u dak transfruntier; jinsisti li għandhom jittieħdu miżuri ċari biex jiġi żgurat li qabel it-tluq il-ħaddiema jkollhom fehim ċar tal-kuntratti, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, informazzjoni sħiħa dwarhom kif ukoll aċċess bla xkiel għalihom, u biex jiġi żgurat li dawn il-kuntratti jkunu disponibbli għall-entitajiet tal-protezzjoni tax-xogħol fil-qasam tal-impjieg tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità tal-ispettorati tax-xogħol u jagħtu prijorità lis-setturi li fihom l-ħaddiema jkunu f'riskju;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-linji gwida tagħha dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u, b'mod partikolari, toħroġ linji gwida speċifiċi ġodda għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali u imprendituri transfruntiera u persuni transfruntiera li jaħdmu għal rashom, min iħaddem u Stati Membri fil-kuntest ta' COVID-19, speċifikament fir-rigward tal-eżerċizzju tal-moviment liberu u ġust, l-akkomodazzjoni deċenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli, u r-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà inkluża l-ħtieġa li jiġi żgurat it-tbegħid soċjali matul it-trasport, fl-akkomodazzjoni u fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-aċċess għal kura tas-saħħa u l-provvediment tagħha, il-forniment ta' informazzjoni bħal struzzjonijiet bil-miktub u avviżi fuq il-post tax-xogħol lill-ħaddiema f'lingwa li jistgħu jifhmu, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' dawn; jissottolinja li s-sħab soċjali jeħtiġilhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-abbozzar ta' dawn il-linji gwida;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw akkomodazzjoni ta' kwalità għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, li għandha tkun separata mir-remunerazzjoni tagħhom u jiżguraw faċilitajiet diċenti, privatezza tal-inkwilin u kuntratti ta' kera bil-miktub infurzati minn spettorati tax-xogħol, u jistabbilixxu standards f'dan ir-rigward;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ELA ssir kompletament operazzjonali malajr kemm jista' jkun u taħdem biex tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' individwi f'sitwazzjonijiet tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol transfruntiera, inkluż permezz ta' sit elettroniku uniku għall-UE kollha, li għandu jservi bħala portal għal aċċess għal sorsi ta' informazzjoni u servizzi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; jidentifika n-nuqqas ta' proċess armonizzat ta' senjalar ta' abbużi u problemi; jistieden għalhekk lill-ELA, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, biex tinħoloq faċilità Ewropea għall-ħaddiema transfruntiera biex jirrapportaw abbuż b'mod anonimu u biex jiġi implimentat l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/1149 bl-għan li jitwettqu spezzjonijiet konġunti jew miftiehma f'każijiet ta' abbuż possibbli miġjuba għall-attenzjoni tagħha;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet fit-tul biex tindirizza l-prattiki abbużivi ta' sottokuntrattar u tissalvagwardja l-ħaddiema staġjonali u transfruntiera impjegati tul il-katina tas-sottokuntrattar u tal-provvista;

Il-promozzjoni ta' mobbiltà ġusta u t-tisħiħ tas-suq intern

10.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iħejju għal mewġiet futuri possibbli tal-COVID-19, u jappella għal darb' oħra għall-koordinazzjoni ta' miżuri nazzjonali mal-fruntieri u l-iżvilupp ta' miżuri ta' sigurtà għall-ħaddiema mobbli, inkluż kenn sikur; jinnota li għandhom jiġu stabbiliti kontinġenzi permanenti ta' mobbiltà, bl-identifikazzjoni u ż-żamma ta' “kurituri ħodor”, flimkien ma' miżuri ta' sigurtà u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet għall-ivvjaġġar stabbiliti sew u kkomunikati; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-istituzzjonijiet transfruntiera eżistenti, inkluż fiż-żamma u l-aġġornament regolari tar-rekords tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali kollha rreġistrati fil-muniċipalitajiet fejn għandhom l-akkomodazzjoni tagħhom; jissottolinja li l-prinċipji ta' gwida għal kwalunkwe miżura li ttieħdet fid-dawl tal-kriżi u tat-triq lejn l-irkupru għandhom ikunu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha, u r-rispett għall-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli kollha u l-infurzar effikaċi tagħhom, filwaqt li tiġi rikonoxxuta s-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tal-ħaddiema transfruntiera u mobbli matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha;

11.

Ifakkar fl-importanza u l-ħtieġa ta' kooperazzjoni tajba ma' pajjiżi terzi fejn hemm numru kbir ta' ħaddiema transfruntiera, bħal dawk fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-Isvizzera u r-Renju Unit;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni tajba bejn l-Istati Membri rigward il-ġbir ta' data dwar il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali sabiex jimtlew il-lakuni fil-prattiki nazzjonali, jinkiseb aċċess aħjar għall-informazzjoni disponibbli, u jinħoloq suq tax-xogħol intern li jkun prevedibbli u aċċessibbli; jistieden lill-ELA tieħu rwol attiv fil-ġbir u l-koordinazzjoni tad-data għall-finijiet tat-twettiq ta' analiżi dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-valutazzjonijiet tar-riskju skont il-kompiti tagħha kif stabbilit fir-regolament ta' twaqqif tagħha;

13.

Jemmen li sabiex jiġu protetti l-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, min iħaddem jeħtieġ wkoll regoli ċari u ċarezza legali; jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jżommu informazzjoni aġġornata dwar dawn ir-regoli kollha, inklużi dawk relatati mal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-ivvjaġġar, fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li toħloq portal jew applikazzjoni mobbli li tkun tista' tiġbor data mill-Istati Membri sabiex toffri liċ-ċittadini tal-UE informazzjoni preċiża u f'ħin reali dwar ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-ivvjaġġar, flimkien ma' possibbiltajiet tal-ivvjaġġar u rotot disponibbli fil-każ li l-miżuri ta' emerġenza jkunu parzjalment jew kompletament riintrodotti;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema transfruntiera, b'mod partikolari l-ħaddiema fruntaliera u l-persuni li jaħdmu għal rashom affettwati mill-kriżi u inklużi dawk bit-telexogħol mill-pajjiż ta' residenza tagħhom, ikollhom aċċess għad-drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għad-drittijiet tax-xogħol u għar-reġimi fiskali applikabbli, u jibbenefikaw minn informazzjoni ċerta fir-rigward tal-awtorità kompetenti għall-kopertura tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar bl-istess kundizzjonijiet bħall-impjegati oħra, u ma jkunux affettwati b'mod negattiv fir-rigward tad-drittijiet fiskali jew tas-sigurtà soċjali minħabba t-tul tas-soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom minħabba l-pandemija; jitlob li l-ħin maħdum bħala telexogħol barra mill-pajjiż għandu jiġi kklassifikat bħal li kieku sar fil-pajjiż tax-xogħol;

Ir-reżiljenza, it-tranżizzjoni diġitali u l-iżgurar tat-trasparenza

15.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju urġenti dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, inkluż ir-rwol tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, tal-aġenziji tar-reklutaġġ, ta' intermedjarji u sottokuntratturi oħra, bil-għan li jiġu identifikati l-lakuni fil-protezzjoni u l-ħtieġa possibbli li jiġi rivedut il-qafas leġiżlattiv fis-seħħ, bħall-qafas leġiżlattiv għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali u d-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, kif ukoll il-protezzjoni minn pandemija; jenfasizza li l-lezzjonijiet miksuba mhux biss huma validi fir-rigward tal-kriżi tal-COVID-19, iżda għandhom ukoll isaħħu t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza bil-ħsieb li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali fi żminijiet ta' kriżi u normalità;

16.

Jissottolinja li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li s-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom ikunu stabbli, affidabbli u reżistenti għall-kriżijiet u li l-UE tipprevedi regoli komuni li jipproteġu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali meta wieħed jiċċaqlaq fl-Ewropa; jistieden lill-Presidenzi attwali u futuri tal-Kunsill u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom mal-Parlament biex jintlaħaq ftehim malajr u bbilanċjat dwar ir-reviżjoni proposta tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali sabiex jitfasslu regoli modernizzati u adatti għall-iskop tagħhom li jrawmu l-mobbiltà ġusta u protezzjonijiet soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-UE, filwaqt li jiġġieldu b'mod effikaċi l-frodi soċjali u l-abbuż tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema mobbli; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jimplimentaw il-komponenti kollha tas-Sistema ta' Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) b'mod urġenti sabiex jiġu żgurati kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u pproċessar diġitizzat aktar rapidu ta' każijiet individwali għall-benefiċċju ta' persuni f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-paġni web tagħha fid-dawl tal-COVID-19 u tippromwovi l-paġni web tagħha li joffru informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, kif ukoll dettalji dwar l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-protezzjoni tax-xogħol, u biex tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, kampanji informattivi ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, bl-involviment tas-sħab soċjali u l-OSĊ sabiex tinxtered aktar l-informazzjoni;

18.

Itenni l-importanza ta' protezzjoni xierqa tal-informaturi fl-Istati Membri, inkluż għal ħaddiema transfruntiera u staġjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva 2019/1937 għall-ħaddiema kollha irrispettivament mill-istatus tagħhom u biex jeżaminaw modi ta' kif il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informaturi tista' tiġi applikata għal ħaddiema transfruntiera jew staġjonali li jissenjalaw abbużi; jenfasizza l-ħtieġa ta' inklużjoni trasparenti tal-possibbiltajiet disponibbli biex jiġu senjalati l-abbużi u jingħata appoġġ fil-kuntratti tax-xogħol mingħajr biża' ta' rappreżalji; jenfasizza li l-aċċess għat-trade unions u l-OSĊ, inkluż fil-pajjiż ospitanti, irid jiġi żgurat għal dawn il-ħaddiema;

19.

Iqis li l-istabbiliment ta' sistema diġitali u dinamika għall-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri jista' jgħin biex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra l-abbużi ta' drittijiet tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali u x-xogħol mhux iddikjarat u l-kwistjonijiet relatati magħhom, u jgħin biex tiġi determinata l-kopertura tas-sistema tas-sigurtà soċjali kompetenti; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tħejji valutazzjoni eżawrjenti tal-impatt dwar l-introduzzjoni ta' Numru tas-Sigurtà Soċjali Ewropew diġitali bil-ħsieb li tniedi proposta; jissottolinja li kwalunkwe data personali għandha tintuża biss għall-iskop speċifiku maħsub u biss mill-awtoritajiet kompetenti għas-sigurtà soċjali, f'konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (19);

20.

Jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema b'mod korrett, fi żmien utli u b'mod ambizzjuż, filwaqt li jiżguraw trattament ugwali u protezzjoni sħiħa tal-ħaddiema stazzjonati, b'mod partikolari sabiex jiġi rispettat l-obbligu fl-Artikolu 3(7) tad-direttiva impost fuq min iħaddem, li għandu jirrimborża lill-ħaddiema stazzjonati għall-allowances imħallsa bħala rimborż ta' spejjeż effettivament imġarrba minħabba l-istazzjonar, bħal spejjeż ta' vjaġġar, ta' alloġġ jew ta' ikel, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni ta' impjieg;

21.

Jidentifika l-ħtieġa li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tindirizza n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet ċari għall-istabbiliment ta' aġenziji ta' xogħol temporanju u aġenziji ta' reklutaġġ immirati lejn ħaddiema transfruntiera u staġjonali fl-UE; ifakkar fil-prattiki tajba fis-seħħ fejn tali kumpaniji huma soġġetti għal liċenzji ċari ta' trasparenza minn korpi amministrattivi speċifiċi;

22.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"u r-reviżjoni li jmiss tal-politika agrikola komuni jagħtu riżultati għall-ħaddiema agrikoli fl-Ewropa, inklużi ħaddiema staġjonali, migranti u ħaddiema mobbli oħra;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-immaġni negattiva tal-ħaddiema staġjonali u transfruntiera fejn dan iseħħ; jinnota li l-Istati Membri ta' residenza għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu lill-ħaddiema staġonali u transfruntiera b'aċċess għal informazzjoni adegwata fuq ix-xogħol u s-sigurtà soċjali; jenfasizza l-importanza ta' appoġġ għal ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-każ ta' inċidenti relatati max-xogħol u assistenza għar-ripatrijazzjoni u r-riintegrazzjoni, filwaqt li jiżguraw li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati mill-aġenziji ta' reklutaġġ, mis-subkuntratturi u minn intermedjarji oħra li joperaw fit-territorju tagħhom

o

o o

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8.

(2)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.

(4)  ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.

(5)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21.

(6)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(7)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(8)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 1.

(9)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(10)  ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16.

(11)  ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.

(12)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

(13)  ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

(14)  ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(15)  ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105.

(16)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1.

(17)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(18)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 88.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/90


P9_TA(2020)0152

Rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (2020/2023(INI))

(2021/C 362/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta' Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim ta' sħubija ġdid (1) u d-direttivi li jinsabu fl-addendum tagħha dwar in-negozjar ta' sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, li saru pubbliċi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (3), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (4), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit (5), tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (6), tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ (7) u tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (8),

wara li kkunsidra l-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, tat-18 ta' Marzu 2020 (9);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (10),

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (11) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u d-Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (12), li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ (id-“Dikjarazzjoni Politika”),

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għas-Sajd, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 114(4) u l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0117/2020),

A.

billi d-Dikjarazzjoni Politika hija l-bażi li fuqha jiġu analizzati n-negozjati u tistabbilixxi l-parametri ta' sħubija ambizzjuża, mifruxa, approfondita u flessibbli fir-rigward tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni ekonomika bi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tagħha, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u l-oqsma usa' ta' kooperazzjoni; billi l-mandat tal-Unjoni Ewropea (UE), adottat fil-25 ta' Frar 2020 fuq dik il-bażi, jikkostitwixxi l-qafas ta' negozjar li jipprevedi sħubija b'saħħitha u komprensiva bejn l-UE u r-Renju Unit, li tifforma struttura koerenti u qafas ta' governanza ġenerali; billi l-UE mhix se taċċetta l-approċċ frammentarju tar-Renju Unit, li jfittex li jiġu nnegozjati sensiela ta' ftehimiet separati u awtonomi minn xulxin;

B.

billi l-mandat tal-UE huwa bbażat fuq il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2018 u fuq id-Dikjarazzjoni Politika;

C.

billi n-negozjati dwar is-sħubija futura mar-Renju Unit jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-premessa ta' implimentazzjoni effettiva u sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tat-tliet Protokolli tiegħu;

D.

billi l-UE għandha żżomm l-isforzi u d-determinazzjoni tagħha sabiex tinnegozja ftehim ambizzjuż kif previst b'mod ċar fid-Dikjarazzjoni Politika, li ż-żewġ partijiet, inkluż il-Prim Ministru tar-Renju Unit, iffirmaw fis-17 ta' Ottubru 2019, u l-mandat tal-UE; billi r-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE mill-31 ta' Jannar 2020;

E.

billi l-pressjoni taż-żmien attwali fin-negozjati hija sempliċement ir-riżultat tal-għażliet tar-Renju Unit;

F.

billi l-ftehim futur għandu jkun integrat f'qafas ta' governanza ġenerali u billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) għandha tkun l-uniku organu responsabbli mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE;

G.

billi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni fl-oqsma ta' politika kollha tiegħu, għadu applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-atti li ma kinux vinkolanti għar-Renju Unit u fir-Renju Unit qabel ma daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Ħruġ; billi fl-14 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedimenti ta' ksur kontra r-Renju Unit talli naqas milli jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu;

H.

billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jolqot lil miljuni ta' ċittadini, liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fl-UE, liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fir-Renju Unit kif ukoll lill-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit;

I.

billi, bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax igawdi mill-istess drittijiet u mill-istess benefiċċji u ma jistax ikun suġġett għall-istess obbligi bħal Stat Membru u, għaldaqstant, is-sitwazzjoni kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit se tinbidel b'mod konsiderevoli fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; billi l-UE u r-Renju Unit jikkondividu prinċipji u valuri fundamentali; billi l-prossimità ġeografika tar-Renju Unit, il-livell ta' interkonnessjoni u l-livell għoli ta' allinjament u interdipendenza eżistenti mar-regoli tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati fil-ftehim ta' sħubija futur; billi, kif iċċarat l-UE sa mill-bidu nett, aktar ma r-Renju Unit ifittex privileġġi u drittijiet, aktar se jkun hemm obbligi marbuta;

J.

billi l-UE u r-Renju Unit, fid-Dikjarazzjoni Politika, qablu li jiltaqgħu f'livell għoli f'Ġunju 2020 biex jevalwaw il-progress, bil-għan li jaqblu dwar azzjoni biex jimxu 'l quddiem fin-negozjati dwar ir-relazzjoni futura tagħhom; billi, fi tmiem il-Laqgħa ta' Livell Għoli tat-15 ta' Ġunju 2020, iż-żewġ partijiet ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha nnotaw, inter alia, li kien hemm bżonn momentum ġdid;

K.

billi l-unità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha matul in-negozjati hija essenzjali biex jiddefendu l-interessi tal-UE, inklużi dawk taċ-ċittadini tagħha fl-aħjar mod possibbli; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha baqgħu magħqudin matul in-negozjati u l-adozzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u baqgħu hekk sal-lum; billi din l-unità hija riflessa fl-adozzjoni tal-mandat ta' negozjar fdat lin-negozjatur tal-UE u lill-Kap tat-Task Force tal-UE Michel Barnier, li jgawdi minn appoġġ qawwi mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

L.

billi l-UE u r-Renju Unit, fid-Dikjarazzjoni Politika, qablu li r-relazzjoni futura għandha tkun mirfuda minn valuri komuni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-salvagwardja tagħhom u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li jinkludi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ għan-nonproliferazzjoni, il-prinċipji tad-diżarm, tal-paċi u tas-sigurtà kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent u li dawn il-valuri huma prerekwiżit essenzjali għall-kooperazzjoni prevista fil-qafas tad-Dikjarazzjoni Politika, li għandhom ikunu espressi f'termini ta' klawżoli politiċi vinkolanti kif ukoll ikunu kwistjonijiet ta' fiduċja reċiproka; billi, filwaqt li l-UE se tibqa' marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura jrid ikun subordinat għall-impenn kontinwu min-naħa tar-Renju Unit li jirrispetta l-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

M.

billi l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sitwazzjoni ġdida totalment mhux mistennija u mingħajr preċedent, li għandha konsegwenzi sinifikanti fuq ir-ritmu u l-effiċjenza tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE; billi, jekk ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, iż-żewġ naħat ikollhom ikunu ppreparati għal kull tibdil drammatiku fl-ekonomiji tagħhom, li jkun aggravat mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-konsegwenzi ekonomiċi mistennija tagħha; billi quddiem pandemija globali u l-konsegwenzi ġeopolitiċi, ekonomiċi u soċjali prevedibbli tagħha tiżdied il-ħtieġa li jitjiebu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn is-sħab u l-alleati;

Prinċipji ġenerali

1.

Jiddispjaċih li, wara erba' sensiliet ta' negozjati, ma nkiseb l-ebda progress reali, bl-eċċezzjoni ta' spunti żgħar ħafna f'numru limitat ta' oqsma; jinnota d-diverġenzi sostanzjali li jeżistu bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż rigward l-portata u l-arkitettura ġuridika tat-test li jrid jiġi negozjat; jesprimi tħassib qawwi dwar il-portata limitata tas-sħubija futura kif prevista mill-Gvern tar-Renju Unit u dwar l-approċċ frammentarju tiegħu fil-konfront tan-negozjati unikament f'oqsma li huma fl-interess tar-Renju Unit; itenni li dan l-approċċ, li bih jagħżel dak li jaqbillu, mhuwiex aċċettabbli għall-UE; jenfasizza li l-proposti tar-Renju Unit ma jissodisfawx l-impenji tiegħu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika, li magħhom qabel ir-Renju Unit, inkluż ir-rifjut tiegħu li jinnegozja ftehim dwar kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà u mad-difiża;

2.

Itenni li l-UE hija deċiżament konvinta mill-pożizzjoni tagħha li jrid jinkiseb progress tanġibbli fl-oqsma kollha tan-negozjati b'mod parallel, inkluż dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, is-sajd, is-sigurtà interna u l-governanza, kif spjegat fid-Dikjarazzjoni Politika; jenfasizza li n-negozjati kollha huma indiviżibbli u l-UE mhix se taqbel dwar ftehim bi kwalunkwe prezz, b'mod partikolari mhix se taqbel dwar ftehim ta' kummerċ ħieles mingħajr ma jkollha garanziji sodi ta' kundizzjonijiet ekwivalenti u ftehim sodisfaċenti dwar is-sajd; isostni bis-sħiħ, għalhekk, lill-Kummissjoni fid-difiża tal-bżonn ta' abbozz komprensiv tat-trattat kif propost mill-UE sa mill-bidu nett, minflok ma jintlaħaq qbil fuq ftehimiet separati kif propost mir-Renju Unit;

3.

Jinsisti li kwalunkwe ftehim dwar relazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit irid ikun koerenti u adattat kemm għall-prossimità ġeografika taż-żewġ partijiet kif ukoll għal-livell għoli ta' interkonnessjoni tal-ekonomiji taż-żewġ partijiet;

4.

Jilqa' pożittivament il-pubblikazzjoni, anki jekk tard, tal-abbozz ta' proposti ġuridiċi tar-Renju Unit; jinnota li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tar-Renju Unit ta' użu ta' preċedenti eżistenti, ħafna minn dawk il-proposti jmorru ferm lil hinn minn dak li ġie nnegozjat mill-UE fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles oħra ma' pajjiżi terzi f'dawn l-aħħar snin; ifakkar li kwalunkwe ftehim finali jrid ikun ibbażat fuq bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi;

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li jeżisti livell għoli ta' konverġenza bejn l-objettivi tan-negozjati espressi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2020 u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta' Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim ta' sħubija ġdid (13) (id-“direttivi ta' negozjati”); jenfasizza li l-Kummissjoni tgawdi mis-sostenn sħiħ tal-Parlament fin-negozjati mar-Renju Unit bi qbil mad-direttivi ta' negozjati, peress li t-tliet istituzzjonijiet ilkoll jikkondividu b'mod estensiv l-istess objettivi f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultati li dawn in-negozjati għandhom jiksbu;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-abbozz tat-test tal-UE tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida mar-Renju Unit, ippubblikat fit-18 ta' Marzu 2020, li jipproponi ftehim komprensiv għal sħubija profonda u mill-qrib, li ma tkoprix biss il-kummerċ ħieles fil-merkanzija u fis-servizzi iżda anki modi sabiex jiġu evitati distorsjonijiet u żvantaġġi kompetittivi inġusti, inklużi dawk relatati mas-settur agrikolu, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) u l-għajnuna mill-Istat, u li tiġi stabbilita klima favorevoli għall-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investimenti;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tmexxi n-negozjati b'mod trasparenti billi huwa ta' ġid għall-proċess tan-negozjati u ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-impriżi peress li dan jippermettilhom iħejju ruħhom aħjar għall-fażi ta' wara t-tranżizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura, f'dan ir-rigward, konsultazzjoni pubblika u djalogu kontinwu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-parlamenti nazzjonali; jilqa' pożittivament il-prassi tal-Kummissjoni li tagħti informazzjoni regolari u puntwali lill-Parlament dwar in-negozjati u jistenna li din il-prassi tkompli, b'mod konformi mal-informazzjoni li hija kondiviża mal-Istati Membri;

8.

Ifakkar li kwalunkwe ftehim futur ta' assoċjazzjoni konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit skont l-Artikolu 217 tat-TFUE (il-“Ftehim”) irid ikun totalment konformi mal-prinċipji li ġejjin:

(i)

pajjiż terz m'għandux ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji u ma jikkonformax mal-istess obbligi ta' Stat Membru tal-UE, jew ta' membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

(ii)

il-protezzjoni tal-integrità sħiħa u tal-funzjonament korrett tas-suq intern, tal-unjoni doganali, l-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet u, b'mod partikolari, il-grad ta' kooperazzjoni fil-pilastru ekonomiku jrid ikun skont l-impenji meħuda għall-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-persuni, bħall-ivvjaġġar eżenti mill-viżi, il-mobilità tar-riċerkaturi, tal-istudenti, tal-fornituri temporanji ta' servizzi u tal-vjaġġaturi għal negozju, u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali;

(iii)

l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tkun ippreservata;

(iv)

l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-QĠUE bħala l-organu finali responsabbli mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f'dan ir-rigward ikunu salvagwardjati;

(v)

tkompli l-adeżjoni mal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif definiti b'mod partikolari fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-KEDB u fil-protokolli tagħha, fil-Karta Soċjali Ewropea, fl-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u fit-trattati internazzjonali l-oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt ifakkar b'mod partikolari li r-relazzjoni futura għandha tkun subordinata għall-impenn kontinwu tar-Renju Unit li jirrispetta l-qafas tal-KEDB;

(vi)

kundizzjonijiet ekwivalenti, anki għall-impriżi, li jiżguraw standards ekwivalenti għoljin fil-politiki soċjali, tax-xogħol, ambjentali, tal-ħarsien tal-konsumatur, tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tat-tassazzjoni, tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, inkluż permezz ta' qafas robust u komprensiv dwar il-kompetizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Tali kundizzjonijiet ekwivalenti għandhom ikunu garantiti permezz ta' mekkaniżmi effikaċi ta' soluzzjoni tat-tilwim u ta' infurzar, anki fil-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar, b'mod partikolari, li kwalunkwe ftehim futur għandu jkun subordinat għar-rispett tal-Ftehim ta' Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta' Pariġi”);

(vii)

jitħarsu l-prinċipju ta' prekawzjoni, il-prinċipju skont liema l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tiġi rrettifikata f'ras il-għajn u l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”;

(viii)

il-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu salvagwardjati, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, u jinżamm il-bilanċ globali ta' dawn ir-relazzjonijiet;

(ix)

l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati;

(x)

ikun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi, fejn ikunu xierqa, kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti;

(xi)

il-garanzija ta' eżitu li jkun xieraq u ġust għall-Istati Membri kollha u fl-aħjar interessi taċ-ċittadini tagħna;

9.

Jissottolinja li l-Kap Negozjatur tal-UE jgawdi mis-sostenn sħiħ u sod tal-Parlament sabiex jinsisti li garanziji ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni huma element kruċjali ta' kwalunkwe ftehim mar-Renju Unit, peress li dawn la huma dogmatiżmu u lanqas ideoloġija min-naħa tal-UE iżda prerekwiżit għall-istabbiliment ta' sħubija ambizzjuża u bbilanċjata mar-Renju Unit u sabiex tiġi ppreservata l-kompetittività tas-suq intern u tal-kumpaniji tal-UE, kif ukoll sabiex jinżammu u jiġu żviluppati fil-futur livelli għoljin ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tal-konsumatur;

10.

Jirrispetta bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, is-sovranità tar-Renju Unit, li l-UE ma għandha l-ebda intenzjoni li xxekkel fin-negozjati attwali; ifakkar, madankollu, li r-Renju Unit qatt mhu se jkun ugwali għall-pajjiżi terzi l-oħra minħabba l-istatus tiegħu bħala ex Stat Membru tal-UE, l-allinjament regolatorju attwali komplut, u l-volum sinifikanti ta' kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, kif ukoll il-prossimità ġeografika tiegħu mal-UE, li lkoll jispjegaw il-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet b'saħħithom u robusti dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-ftehim;

11.

Jissottolinja li l-UE għandha tissokta bl-isforzi u bl-impenn tagħha li tinnegozja ftehim hekk kif dejjem indikat fid-Dikjarazzjoni Politika u fid-direttivi ta' negozjati, fuq il-partijiet li ġejjin: il-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u l-oqsma tematiċi ta' kooperazzjoni bħall-kooperazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli; jitlob approċċ pragmatiku raġonevoli fuq iż-żewġ naħat;

12.

Jenfasizza l-importanza li nkunu ppreparati bis-sħiħ għall-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern u mill-unjoni doganali fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, indipendentement mill-eżitu tan-negozjati; jisħaq fuq il-fatt li l-konsegwenzi se jkunu saħansitra aktar sinifikanti f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim; jissottolinja, iżda, li l-UE lesta għaż-żewġ xenarji;

13.

Jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-“avviżi ta' tħejjija” tal-Kummissjoni, speċifiċi għal kull settur, li jimmiraw li jiżguraw li l-industrija tal-UE tkun ippreparata għall-iskoss inevitabbli kkawżat mill-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jinfurmaw bis-sħiħ liċ-ċittadini u lill-impriżi tal-UE dwar ir-riskji li l-perjodu ta' tranżizzjoni jista' jintemm qabel ma jintlaħaq ftehim, sabiex jippermettu preparazzjoni adegwata;

14.

Jissottolinja l-importanza li jiġu intensifikati u ffinanzjati kif suppost l-miżuri ta' preparazzjoni u ta' kontinġenza sew qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni, speċjalment f'każ ta' staġnar fin-negozjati; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-miżuri ta' kontinġenza għandhom ikunu temporanji u unilaterali;

15.

Itenni l-appoġġ tiegħu għad-direttivi ta' negozjati, li jipprevedu li Ġibiltà mhix se tkun inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-ftehimiet li għandhom jiġu konklużi bejn l-UE u r-Renju Unit, u li kwalunkwe ftehim separat se jkun jirrikjedi l-qbil minn qabel tar-Renju ta' Spanja;

16.

Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar Ġibiltà rigward il-ħaddiema fruntaliera, it-tassazzjoni, l-ambjent u s-sajd; jistieden lill-Gvern Spanjol u lil dak tar-Renju Unit sabiex jiżguraw li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni neċessarja sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet;

17.

Itenni li l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi l-possibbiltà li l-Kumitat Konġunt jadotta sat-30 ta' Ġunju 2020 deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' tranżizzjoni lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2020; jirrikonoxxi d-deċiżjoni tar-Renju Unit, wara l-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tat-12 ta' Ġunju 2020, li ma jikkunsidrax estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni; jissottolinja li l-UE għadha miftuħa għal tali estensjoni;

Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

18.

Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ, ġuridikament vinkolanti, huwa l-istrument għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE li mhuwa suġġett għall-ebda rinegozjar u li l-uniku skop tal-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit huwa li jgħasses l-implimentazzjoni tiegħu; jissottolinja li l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija prekundizzjoni tal-fiduċja, kif ukoll element fundamentali biex din tkun żgurata, li hija meħtieġa għall-konklużjoni b'suċċess ta' ftehim mar-Renju Unit u hija test bil-karta tat-tornasol tal-bona fede li r-Renju Unit impenja ruħu li jqiegħed fil-proċess tan-negozjati;

19.

Jinsisti li jsir progress tanġibbli mill-aktar fis possibbli u b'garanziji sodi li r-Renju Unit se jimplimenta l-Ftehim dwar il-Ħruġ b'mod effettiv u fl-intier tiegħu qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni, jisħaq fuq il-fatt li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu huwa parti integrali tal-ħidma tal-Parlament u jtenni li, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Parlament għandu jiġi infurmat bis-sħiħ u minnufih dwar id-diskussjonijiet kollha li jsiru u dwar id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt, u se jibqa' jkun għassa u jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-impenn li kien ħa l-President tal-Kummissjoni Ewropea fil-plenarja tal-Parlament fis-16 ta' April 2019 kif ukoll fl-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta' Jannar 2020; jistieden lill-kopresidenti tal-Kumitat Konġunt jinvolvu b'mod attiv liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-deliberazzjonijiet tagħhom;

20.

Ifakkar li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi l-protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, inkluż għall-membri tal-familji tagħhom, li għandhom jingħataw l-informazzjoni neċessarja kollha fir-rigward ta' drittijiethom u tal-proċeduri li għandhom isegwu sabiex ikomplu jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw fil-pajjiż ta' residenza tagħhom u lejh; ifakkar li ċ-ċittadini milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit jiddependu minn informazzjoni puntwali u affidabbli dwar id-drittijiet u l-istatus tagħhom u jħeġġeġ kemm lill-Istati Membri kif ukoll lir-Renju Unit jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u jipproteġu bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u jagħtuhom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu u ċertezza tad-dritt dwar is-sitwazzjoni u d-drittijiet tagħhom, inkluż fil-każ li jkunu qed jimplimentaw skema ta' residenza kostituttiva jew dikjaratorja;

21.

Itenni li d-drittijiet taċ-ċittadini se jibqgħu jingħataw prijorità assoluta u huwa ddeterminat li jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu garantiti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, kemm għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit kif ukoll għall-familji tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit iħabirku biex jintlaħaq livell għoli ta' drittijiet tal-mobilità fil-ftehim futur; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-Renju Unit s'issa ftit wera ambizzjoni fir-rigward tal-mobilità taċ-ċittadini, li r-Renju Unit u ċ-ċittadini tiegħu bbenefikaw minnha fil-passat;

22.

Jesprimi tħassib dwar rapporti li ċ-ċittadini tal-UE bi status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit ġew imċaħħda mill-benefiċċji soċjali fir-Renju Unit minħabba ostakli burokratiċi; jissottolinja li sitwazzjonijiet bħal dawn jikkostitwixxu diskriminazzjoni indebita u għandhom konsegwenzi sinifikanti, speċjalment fi żmien ta' inċertezza ekonomika u soċjali gravi;

23.

Jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit qegħdin ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' problemi sinifikanti biex jiksbu status ta' stabbilit, anki minħabba l-pandemija tal-COVID-19; iqis li l-għadd ta' każijiet li ngħataw status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit huwa sproporzjonatament għoli meta mqabbel mal-għadd ta' każijiet li ngħataw status ta' stabbilit; iħeġġeġ lill-Ministeru għall-Intern tar-Renju Unit juri flessibbiltà meta jiġi biex jaċċetta l-evidenza fornuta mill-applikanti rigward ir-residenza tagħhom fil-pajjiż għall-ħames snin rikjesti; jinsab imħasseb ukoll li l-applikanti mhi qed tinħarġilhom l-ebda prova fiżika tal-istatus li jkunu ngħataw;

24.

Jitlob lill-partijiet jiżguraw l-implimentazzjoni stretta tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, billi din hija prekundizzjoni għall-konklużjoni b'suċċess tal-ftehim futur; ifakkar li l-Protokoll tfassal u ġie adottat biex jirrispetta l-proċess ta' paċi u jsostni l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, u jiżgura l-assenza ta' fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda filwaqt li jipproteġi l-integrità tas-suq intern, u huwa kruċjali għall-impriżi, b'mod partikolari fis-settur agroalimentari, għall-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-ambjent u tal-bijodiversità; jissottolinja l-importanza tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-moviment liberu tas-servizzi fuq il-gżira tal-Irlanda sabiex tiġi limitata l-ħsara lill-ekonomija tal-gżira kollha u li din il-kwistjoni għandha tkun koperta fil-ftehim futur; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq;

25.

Jesprimi tħassib dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Gvern tar-Renju Unit li wrew nuqqas ta' rieda politika għal konformità sħiħa mal-impenji ġuridiċi meħuda minnu skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, jiġifieri rigward il-kontrolli fuq il-merkanzija fil-Baħar Irlandiż;

26.

Ifakkar li l-Kumitat Konġunt bejn l-UE u r-Renju Unit għad irid jieħu deċiżjonijiet importanti dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni;

27.

Jittama li jkun jista' jintlaħaq ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-arranġamenti istituzzjonali kollha, bħall-ħolqien ta' uffiċċju tekniku tal-Kummissjoni Ewropea f'Belfast minkejja ċ-ċaħda ripetuta espressa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit għall-ftuħ ta' uffiċċju bħal dan; jenfasizza li r-Renju Unit jeħtieġ li jippreżenta skeda ta' żmien dettaljata u jipproċedi bil-miżuri meħtieġa, bħall-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-kodiċi doganali tal-Unjoni u l-introduzzjoni ta' proċeduri doganali għal oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq mir-Renju Unit, u jiżgura li l-kontrolli kollha meħtieġa tal-SPS kif ukoll kontrolli regolatorji oħra jistgħu jitwettqu fir-rigward ta' oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq minn barra l-UE, li huwa wkoll meħtieġ biex tinħoloq ċarezza għan-negozji;

28.

Jissottolinja l-importanza ta' regoli ġuridiċi ċari, implimentazzjoni trasparenti u mekkaniżmi effikaċi ta' kontroll biex jiġu evitati riskji sistemiċi ta' frodi doganali u tal-VAT, traffikar (kuntrabandu) jew abbuż ieħor frawdolenti ta' qafas legali potenzjalment mhux ċar, inkluż mir-riskju miżjud ta' dikjarazzjonijiet ta' oriġini u ta' prodotti ħżiena mhux maħsuba għas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni twettaq verifiki u kontrolli effiċjenti u tirrapporta lura b'mod regolari lill-Parlament rigward is-sitwazzjoni ta' kontroll fil-fruntieri;

29.

Josserva li l-kliem merkanzija “f'riskju li sussegwentement tiddaħħal fl-Unjoni” użat fl-Artikolu 5 ta' dak il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq jiddependi minn deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jieħu sussegwentement, u jinsisti li deċiżjonijiet bħal dawn jittieħdu taħt l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew; jitlob li jiġi infurmat bis-sħiħ dwar l-applikazzjoni ta' dak l-Artikolu u kull proposta għal deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-applikazzjoni ta' dak l-Artikolu, bħall-istabbiliment tal-kriterji speċifiċi biex merkanzija titqies “f'riskju”, jew dwar l-emenda ta' xi waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu;

30.

Ifakkar li fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa obbligat jikkontribwixxi, fost l-oħrajn, għall-finanzjament tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà u taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) li jipparteċipa fihom;

31.

Jissottolinja l-fatt li r-Renju Unit jeħtieġlu jimplimenta l-miżuri restrittivi u s-sanzjonijiet preeżistenti kollha tal-UE u dawk eventwalment deċiżi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, jeħtieġlu jappoġġa d-dikjarazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jipparteċipa fuq bażi ta' każ b'każ fl-operazzjonijiet militari u fil-missjonijiet ċivili tal-UE stabbiliti fil-qafas tal-PSDK, iżda mingħajr ebda kapaċità ta' tmexxija fi Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni ġdid, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-UE fit-teħid ta' deċiżjonijiet u d-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż dwar l-akkwist u t-trasferimenti fil-qasam tad-difiża; jafferma li din il-kooperazzjoni hija subordinata għall-konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-drittijiet fundamentali tal-UE;

Sħubija ekonomika

Kummerċ

32.

Jieħu nota li r-Renju Unit għażel li jistabbilixxi s-sħubija ekonomika u kummerċjali futura tiegħu mal-UE abbażi ta' “Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Komprensiv” kif stabbilit fid-dokument ippubblikat mill-Gvern tar-Renju Unit fis-27 ta' Frar 2020 bit-titlu “The Future Relationship with the EU – the UK's Approach to Negotiations” (Ir-Relazzjoni Futura mar-Renju Unit – l-approċċ tar-Renju Unit għan-Negozjati); jenfasizza li, filwaqt li l-Parlament jappoġġa lill-UE f'negozjati kostruttivi għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (Free Trade Agreement – FTA) ibbilanċjat, ambizzjuż u komprensiv mar-Renju Unit, in-natura stess tal-FTA qatt mhi se tkun ekwivalenti għall-kummerċ “bla xkiel”; jikkondividi l-pożizzjoni stabbilita fid-direttivi tan-negozjati, li ġiet adottata b'mod konġunt mis-27 Stat Membru, li l-kamp ta' applikazzjoni u l-ambizzjoni ta' FTA li l-UE tista' taqbel dwaru huma subordinati u jrid ikollhom rabta diretta ma' qbil, minn naħa tar-Renju Unit, dwar dispożizzjonijiet komprensivi, vinkolanti u infurzabbli b'rabta mal-kundizzjonijiet ekwivalenti, fid-dawl tad-daqs, il-prossimità ġeografika, l-interdipendenza u l-konnessjoni ekonomiċi, l-integrazzjoni tas-swieq, kif ukoll il-konklużjoni ta' ftehim sodisfaċenti dwar is-sajd; itenni mill ġdid li ma jista' jiġi konkluż ebda ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit jekk dan ma jinkludix ftehim dwar is-sajd komplut, ibbilanċjat u fit-tul, li jippermetti l-kontinwazzjoni b'kundizzjonijiet ottimali tal-aċċess eżistenti għall-ibħra, għar-riżorsi u għas-swieq skont il-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd (PKS) u li dan jiġi adottat qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

33.

Jinnota li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tar-Renju Unit li għandu jittieħed spunt mill-preċedenti eżistenti, ħafna proposti fl-abbozz tal-proposti leġiżlattivi tar-Renju Unit imorru ferm lil hinn minn dak li ġie nnegozjat mill-UE f'FTAs oħrajn ma' pajjiżi terzi fi snin reċenti, pereżempju fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-ekwivalenza tar-reġim tal-SPS, jew tal-akkumulazzjoni tar-regoli ta' oriġini; jappoġġa s-sistema ta' akkumulazzjoni bilaterali, li hija l-aktar waħda xierqa, billi tinvolvi appoġġ għall-integrazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, u mhux mal-pajjiżi terzi li magħhom l-UE kkonkludiet FTAs, u għandu jiġi previst mekkaniżmu ad hoc kontra r-riskji ta' “swap” (14);

34.

Jiddispjaċih ferm, f'dan ir-rigward, li r-Renju Unit s'issa rrifjuta li jieħu azzjoni, minkejja l-impenn tiegħu meħud fid-Dikjarazzjoni Politika, pereżempju dwar l-akkwist pubbliku, it-trasport marittimu kif ukoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi futuri (IĠ), speċjalment billi r-Renju Unit tabilħaqq inkluda wħud minn dawn it-temi fil-mandati ta' negozjar tiegħu mal-Istati Uniti u mal-Ġappun; barra minn hekk jiddispjaċih ukoll, li r-Renju Unit għadu ma ressaqx proposta dwar l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

35.

Ifakkar li l-impenn kontinwu kondiviż biex jintlaħaq l-objettiv ta' kwoti żero u tariffi żero fid-dawl tar-relazzjoni kummerċjali, għadu kundizzjoni essenzjali għall-konklużjoni puntwali ta' ftehim fi kronoloġija ta' żmien tassew impenjattiva li ħadd ħlief ir-Renju Unit stess ma impona fuq dawn in-negozjati, speċjalment billi l-esperjenza fl-imgħoddi wriet b'mod ċar li n-negozjar tal-linji tariffarji jista' jieħu diversi snin; jesprimi tħassib dwar l-intenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li jitbiegħed minn dak l-objettiv; jenfasizza li probabbilment il-prodotti agrikoli se jkunu l-aktar affettwati, billi l-bqija tal-linji tariffarji li għalihom m'hemmx prevista tariffa żero fl-FTAs, normalment jaffettwaw lil dan is-settur; itenni, f'dan ir-rigward, li irrispettivament minn jekk jitneħħewx 100 % jew anqas mil-linji tariffarji, dan mhux se jbiddel it-talba tal-UE għal kundizzjonijiet ekwivalenti robusti; itenni li d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti, maż-żmien, iridu jżommu standards ambjentali, soċjali u tal-impjiegi fil-livelli għoljin, abbażi ta' standards tal-UE u internazzjonali xierqa u rilevanti, u jinkludu wkoll mekkaniżmi xierqa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva domestikament, u qafas robust u komprensiv għall-kompetizzjoni u għall-kontroll tal-għajnuna mill-istat li jipprevjeni distorsjoni mhux dovuta tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni minflok ma jsir riferiment għas-sussidji biss, kif sfortunatament jagħmel ir-Renju Unit;

36.

Iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex taħtaf il-momentum ikkawżat minn dawn in-negozjati ħalli ttejjeb il-kompetittività għall-kumpaniji u l-SMEs Ewropej; jisħaq li l-Ftehim għandu jkollu l-għan li jippermetti l-aċċess għas-suq u l-iffaċilitar tal-kummerċ malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi mminimizzat it-tfixkil fil-kummerċ; iħeġġeġ lill-Partijiet jistabbilixxu punti ta' kuntatt tal-SMEs u jitlob li jkun hemm qafas legali stabbli, trasparenti u prevedibbli li ma jimponix piż sproporzjonat fuq l-SMEs;

37.

Jenfasizza li biex FTA jippromwovi verament l-interessi tal-UE, in-negozjati għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-objettivi li ġejjin kif stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2020, b'mod partikolari l-paragrafu 14 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tiegħu għadhom kompletament validi; barra minn hekk, jenfasizza li għandu jkun kopert dan li ġej:

(i)

aċċess għas-suq li jkun ta' benefiċċju għat-tnejn fejn jidħlu prodotti, servizzi, l-akkwist pubbliku, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali kif ukoll ir-regoli tal-prodotti; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' ktajjen tal-valur stabbli, affidabbli u sostenibbli;

(ii)

il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għal klawżoli ta' salvagwardja biex jipproteġu l-integrità u l-istabbiltà tas-suq intern tal-UE bħal pereżempju minn żidiet mhux mistennija fl-importazzjoni, frodi u ċirkomvenzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali;

(iii)

l-impenji rigward miżuri anti-dumping u miżuri kompensatorji għandhom imorru lil hinn mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'dan il-qasam, kif xieraq, u mill-impenji u l-possibbiltajiet ta' infurzar dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat;

(iv)

ir-regoli dwar l-iżvilupp u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ diġitali għandhom jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ b'mezzi elettroniċi, inklużi rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data, jeħtieġ li jippreservaw l-awtonomija regolatorja tal-UE, u jiżguraw ambjent online miftuħ, sigur u affidabbli għan-negozji u l-konsumaturi, dment li l-bejjiegħa online tar-Renju Unit jikkonformaw mar-regoli rilevanti tas-suq intern u dment li r-Renju Unit jipprovdi livell ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak offrut mill-qafas legali tal-UE, inkluż dwar trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi;

(v)

kull miżura SPS għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tar-riskju, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' prekawzjoni;

(vi)

il-protezzjoni tal-IĠ mnaqqxa fil-Ftehim dwar il-Ħruġ mhijiex negozjabbli; il-ftehim futur għandu wkoll jipproteġi u jżomm l-IĠ irreġistrati wara t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni;

(vii)

għandu jinkludi konċessjonijiet prudenzjali sodi biex jiġu garantiti ġuridikament id-drittijiet taż-żewġ partijiet li jirregolaw, fl-interess pubbliku;

(viii)

ifakkar li għandhom jiġu meqjusa l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti għal azzjonijiet tal-UE li jipproteġu u javvanzaw ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija, pereżempju f'termini ta' miżuri li jiġġieldu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

(ix)

sħubija li tikseb l-għanijiet fuq medda twila ta' żmien;

(x)

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu t-tħejjijiet u jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għall-possibbiltà ta' skadenza tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mingħajr qbil fuq ir-relazzjonijiet futuri, u b'mod partikolari r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021, inklużi miżuri ta' kontinġenza sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun id-dannu għall-ħaddiema u għall-impriżi affettwati;

(xi)

jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tnaqqas l-impatt fuq is-sħab kummerċjali tal-pajjiżi terzi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim mal-Gran Brittanja, billi l-importazzjonijiet Brittaniċi jista' jkun li kienu jikkostitwixxu sehem imdaqqas mill-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni Ewropea;

Kundizzjonijiet ekwivalenti

38.

Jesprimi dispjaċir dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fin-negozjati mal-UE li sal-lum għadu ma impenjax ruħu f'negozjati dettaljati rigward il-kundizzjonijiet ekwivalenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-pożizzjoni ma tirriflettix il-paragrafu 77 tad-Dikjarazzjoni Politika ffirmata kemm mill-UE kif ukoll mir-Renju Unit; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Gvern tar-Renju Unit jirrevedi b'mod urġenti l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu u jimpenja ruħu b'mod kostruttiv fin-negozjati dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti billi hija kundizzjoni neċessarja biex il-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim kummerċjali mar-Renju Unit;

39.

Itenni li, minħabba l-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika tar-Renju Unit mal-UE, l-estensjoni u l-profondità tal-Ftehim fir-rigward ta' kundizzjonijiet ekwivalenti se jkunu essenzjali biex tiġi ddeterminata l-firxa tar-relazzjoni futura ġenerali bejn l-UE u r-Renju Unit; iqis, għaldaqstant, li l-kundizzjonijiet ekwivalenti li huma xierqa għal-livell ta' ambizzjoni u liberalizzazzjoni tal-Ftehim għall-konverġenza regolatorja f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika trid tkun prevista u l-istandards tal-UE iridu jkunu ssalvagwardjati biex tkun evitata “ġirja lejn l-aktar livell baxx” kif ukoll miżuri li għandhom effett dannuż mhux ġustifikat u sproporzjonat fuq il-flussi kummerċjali, fil-perspettiva ta' allinjament dinamiku; inkluż għall-għajnuna mill-istat; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-Renju Unit ma jiksibx vantaġġ kompetittiv inġust permezz tat-twaqqigħ tal-livelli ta' protezzjoni u biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju min-naħa tal-operaturi tas-suq;

40.

Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jimpedixxi kull tip ta' “dumping” fil-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit; jirrimarka li riżultat ewlieni tan-negozjati huwa li jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti sabiex jiġu ppreservati l-kompetittività, standards soċjali u ta' sostenibbiltà għoljin, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fil-futur permezz ta' impenji robusti, dispożizzjonijiet infurzabbli u klawżoli ta' nuqqas ta' rigressjoni, bil-ħsieb li jkun hemm allinjament dinamiku dwar:

(i)

il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, u kull miżura regolatorja oħra ġenerali jew speċifika għas-settur, li għandhom jipprevjenu distorsjoni indebita tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni u jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-impriżi statali, inkluż dispożizzjonijiet dwar miżuri ta' appoġġ għall-produzzjoni agrikola;

(ii)

il-kwistjonijiet rilevanti tat-taxxa, inklużi l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll is-servizzi finanzjarji;

(iii)

ir-rispett sħiħ tal-istandards soċjali u tax-xogħol tal-mudell soċjali tal-UE (inklużi livelli ekwivalenti ta' protezzjoni u salvagwardja kontra d-dumping soċjali), tal-anqas fil-livelli għoljin attwali mogħtija mill-istandards komuni eżistenti;

(iv)

il-protezzjoni ambjentali u l-istandards relatati mat-tibdil fil-klima, inkluż impenn biex ikompli jiġi implimentat b'mod effettiv il-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll il-promozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

(v)

livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi, inkluża l-kwalità sanitarja tal-prodotti fis-settur tal-ikel;

(vi)

l-iżvilupp sostenibbli;

41.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw li l-istandards ma jitbaxxewx, filwaqt li jagħtu s-setgħa lill-UE u lir-Renju Unit biex jimmodifikaw l-impenji maż-żmien ħalli jistabbilixxu standards ogħla jew jinkludu oqsma addizzjonali, fir-rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità; jenfasizza, barra minn hekk, li l-impenji u d-dispożizzjonijiet għandhom ikunu infurzabbli permezz ta' miżuri provviżorji awtonomi, mekkaniżmu sod għas-soluzzjoni tat-tilwim li jkopri l-oqsma u r-rimedji kollha, inkluża s-sorveljanza ġuridika, biex l-UE tingħata l-kapaċità li tadotta sanzjonijiet bħala l-aħħar soluzzjoni, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli fil-perspettiva ta' allinjament dinamiku; jissottolinja li kundizzjonijiet ekwivalenti jirrikjedu mekkaniżmu orizzontali, bħall-qafas ta' governanza ġenerali li jkopri l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni;

42.

Jenfasizza b'mod partikolari l-klawżoli ta' nonregressjoni fl-oqsma li ġejjin: (i) id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol; (ii) l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; (iii) kundizzjonijiet tax-xogħol u standards tal-impjieg ġusti; (iv) id-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni fil-livell tal-kumpaniji; u (v) ir-ristrutturar;

43.

Iqis li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent, u l-kwistjonijiet ewlenin tas-saħħa għandhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tas-sħubija prevista; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew billi għamlet ir-rispett lejn l-Ftehim ta' Pariġi element essenzjali tal-ftehimiet kummerċjali komprensivi futuri kollha;

44.

Jisħaq li “klawżola ratchet” għal-livelli futuri ta' protezzjoni mhijiex biżżejjed, billi ma tipprevedix kundizzjonijiet ekwivalenti jew inċentivi biex jogħlew il-livelli ta' ambizzjoni, u jqis li jekk parti waħda (jiġifieri l-UE jew ir-Renju Unit) iżżid il-livell tagħha ta' protezzjoni klimatika jew ambjentali, il-parti l-oħra għandha tiżgura li l-istandards u l-miri tagħha joffru mill-inqas livell ekwivalenti ta' protezzjoni klimatika jew ambjentali;

45.

Jemmen bis-sħiħ li r-Renju Unit għandu jaderixxi mal-istandards li qed jevolvu dwar it-tassazzjoni u l-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan l-acquis tal-UE kif ukoll fid-dinja kollha, inkluż it-trasparenza fiskali, l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa u l-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa, sabiex tiġi ggarantita kooperazzjoni reċiproka siewja u bbażata fuq il-fiduċja, u għandu jindirizza s-sitwazzjonijiet rispettivi tat-Territorji Extra-Ewropej tiegħu, iż-Żoni ta' Bażi Sovrana tiegħu u d-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu u l-konformità tagħhom mal-kriterji tal-governanza tajba u r-rekwiżiti tat-trasparenza tal-UE, b'mod partikolari dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa, it-trasparenza fiskali, il-miżuri kontra l-evitar tat-taxxa u dwar l-istandards tal-OECD kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferimenti tal-Profitt; jappella, barra minn hekk, li l-UE u r-Renju Unit jirrispettaw l-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja; ifakkar, fir-rigward ta' Ġibiltà, fid-direttivi ta' negozjati u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-abbozz tat-test ġuridiku tal-UE;

46.

Itenni l-ħtieġa li jinżammu standards għoljin, traċċabbiltà ċara, servizzi ta' spezzjoni ta' kwalità għolja u kundizzjonijiet ekwivalenti fl-oqsma tal-prodotti mediċinali, l-apparat mediku, is-sikurezza u t-tikkettar tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, il-benessri u l-kura veterinarja tal-annimali, l-SPS u l-politiki u l-istandards ambjentali;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-prinċipji u l-istrumenti eżistenti u futuri fil-qafas tal-politiki soċjali, ambjentali u klimatiċi tal-UE (pereżempju l-miżuri anti-dumping, il-politika industrijali Ewropea, il-leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja, it-tassonomija tal-UE għal investiment sostenibbli, il-prinċipju ta' “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, id-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji) ma jistgħux jiġu ġuridikament ikkontestati fil-qafas tal-FTA bejn l-UE u r-Renju Unit u fil-ftehimiet kummerċjali futuri;

Kwistjonijiet settorjali speċifiċi u kooperazzjoni tematika

Is-suq intern

48.

Jisħaq li l-aċċess għas-suq intern tal-UE jeħtieġ, bħala prekundizzjoni, konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mas-suq intern;

49.

Jissottolinja li l-allinjament regolatorju dinamiku u d-dispożizzjonijiet li jiżguraw sorveljanza tas-suq robusta li jgħinu fl-infurzar tar-regoli dwar il-prodotti, inklużi dawk dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-prodotti, u jiżguraw ċertezza ġudizzjarja għan-negozji tal-UE flimkien ma' livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE, għandhom ikunu parti essenzjali, u li ma tistax tiġi sostitwita, ta' kull ftehim futur li għandu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti;

50.

Ifakkar li fi kwalunkwe każ, ftehim ġdid se jwassal għal verifiki u kontrolli doganali qabel ma l-prodotti jidħlu fis-suq intern u jinsisti li s-salvagwardja tal-konformità tal-prodotti mar-regoli tas-suq intern hija tal-akbar importanza;

51.

Jissottolinja l-importanza li tinżamm kooperazzjoni mill-qrib u strutturata fi kwistjonijiet regolatorji u ta' superviżjoni, kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak tekniku, b'rispett għar-reġim regolatorju tal-UE u tal-awtonomija tagħha fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

52.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati arranġamenti reċiproċi għar-rikonoxximent ta' kwalifiki u diplomi u jħeġġeġ liż-żewġ partijiet u b'mod partikolari lill-korpi u l-awtoritajiet professjonali biex jiżviluppaw u jipprovdu aktar rakkomandazzjonijiet konġunti dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Kunsill ta' Sħubija;

Is-Servizzi finanzjarji

53.

Huwa tal-opinjoni li l-ftehim futur għandu jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet superviżorji finanzjarji tar-Renju Unit sabiex jitrawwem l-allinjament regolatorju, jiġu kondiviżi t-tħassib superviżorju u l-aħjar prattiki, kif ukoll biex jiġi żgurat livell ta' kooperazzjoni bla xkiel u jinżammu swieq kapitali integrati;

54.

Ifakkar li d-drittijiet ta' passaportar, li huma bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku, ir-regoli prudenzjali armonizzati u l-konverġenza superviżorja fis-suq intern, se jieqfu japplikaw bejn l-UE u r-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, billi r-Renju Unit se jsir pajjiż terz; jissottolinja li, minn hemm 'il quddiem, l-aċċess għas-suq finanzjarju tal-UE irid ikun ibbażat fuq il-qafas ta' ekwivalenza awtonomu tal-UE; ifakkar, madankollu, fil-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-ekwivalenza;

55.

Jenfasizza li se ssir valutazzjoni tal-ekwivalenza tar-regolamenti finanzjarji tar-Renju Unit mill-Kummissjoni u li tali ekwivalenza tista' tingħata biss b'rispett sħiħ għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, u jekk ir-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tar-Renju Unit ikunu kompletament ekwivalenti għal dawk tal-UE; jitlob li din il-valutazzjoni ssir kemm jista' jkun malajr biex jiġi ssodisfat l-impenn tad-Dikjarazzjoni Politika; ifakkar li l-UE tista' tirtira unilateralment l-istatus ta' ekwivalenti fi kwalunkwe ħin;

56.

Ifakkar li ammont sostanzjali ta' derivati iddenominati f'euro huma kklerjati fir-Renju Unit, u dan potenzjalment jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-istabbiltà finanzjarja għall-UE;

Id-dwana

57.

Jinnota l-intenzjoni tar-Renju Unit li ma tfittix il-kontinwazzjoni tal-istatus attwali tagħha fir-rigward tas-suq intern u l-unjoni doganali; jissottolinja l-importanza li tinżamm l-integrità tal-unjoni doganali u l-proċeduri tagħha, li jiggarantixxu s-sikurezza u l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-interessi ekonomiċi tal-UE u l-intrapriżi tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment akbar fil-faċilitajiet ta' kontroll doganali fil-punti ta' tranżitu komuni fil-fruntieri komuni u, fejn rilevanti u xieraq, aktar koordinazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma' xulxin kif ukoll l-inklużjoni tal-possibbiltà ta' uffiċċju permanenti tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq li jkun jitttratta l-konformità mad-dwana;

58.

Jissottolinja li kull ftehim futur għandu jistabbilixxi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni doganali komprensivi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transfruntier kif ukoll mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq; jitlob, barra minn hekk, lill-partijiet biex, fejn rilevanti u xieraq, jistinkaw ħalli jissimplifikaw ir-rekwiżiti u l-formalitajiet tal-proċeduri doganali għall-kummerċjanti jew l-operaturi, inkluż għall-SMEs;

59.

Jissottolinja li l-UE u r-Renju Unit għandhom jistinkaw biex iżommu livell għoli ta' konverġenza tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki doganali tagħhom bil-għan li jiġu żgurati kontrolli doganali u kklerjar effettivi, infurzar tal-leġiżlazzjoni doganali u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet b'kapaċità ta' rkupru ta' taxxi u dazji żejda, kif ukoll miżuri ta' salvagwardja għal ksur sistematiku tal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli;

60.

Jenfasizza li huwa ferm mixtieq li r-Renju Unit iżomm il-klassifikazzjoni attwali tal-prodotti abbażi tat-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC) sabiex il-proċeduri jibqgħu simplifikati u jitnaqqas il-piż regolatorju;

Il-politika tal-konsumatur

61.

Jisħaq li l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet taċ-ċittadini skont l-acquis tal-UE iridu jiġu ppreservati miż-żewġ partijiet fi kwalunkwe ftehim futur; jemmen li l-Ftehim għandu jiżgura valur miżjud għall-konsumaturi tal-UE billi jipprovdi l-aħjar qafas għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u għall-infurzar tal-obbligi tan-negozjanti;

62.

Iqis li huwa importanti ħafna li tiġi ggarantita s-sikurezza tal-prodotti importati mir-Renju Unit b'mod li dawn ikunu jikkorrispondu għall-istandards tal-UE;

63.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni regolatorja u amministrattiva akkumpanjati, fejn rilevanti u xieraq, minn sorveljanza parlamentari u impenji ta' nonrigressjoni, sabiex jiġu indirizzati l-ostakli mhux tariffarji u jiġu segwiti objettivi ta' interess pubbliku, biex jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi tal-UE inkluż biex jiġi żgurat ambjent sigur u affidabbli għall-konsumaturi u għan-negozji online, kif ukoll biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti.

Sajd

64.

Itenni li ma jista' jiġi konkluż ebda ftehim komprensiv bejn l-UE u r-Renju Unit jekk dan ma jinkludix ftehim dwar is-sajd u l-kwistjonijiet relatati mas-sajd li jkun komplut, ibbilanċjat u fit-tul, u li jippermetti l-kontinwazzjoni b'kundizzjonijiet ottimali ta' aċċess għall-ilmijiet, ir-riżorsi u s-swieq tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-attivitajiet tas-sajd eżistenti;

65.

Ifakkar li l-akbar benefiċċju għaż-żewġ naħat se jinkiseb permezz tal-protezzjoni tal-ekosistemi kondiviżi u l-ġestjoni sostenibbli tal-isfruttament tagħhom, billi jinżamm l-aċċess reċiproku eżistenti għall-ilmijiet u għar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li jinżammu l-attivitajiet tas-sajd eżistenti, kif ukoll billi jiġu definiti prinċipji u regoli komuni, koerenti, ċari u stabbli li jipermettu l-aċċess reċiproku miftuħ għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għas-swieq, mingħajr ma jiġu kkawżati tensjonijiet ekonomiċi jew soċjali minħabba kompetizzjoni żbilanċjata; Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' qafas ta' governanza li jħaddan kollox biex jiġi żgurat li kull ksur ta' dispożizzjonijiet li jikkonċerna l-aċċess reċiproku għall-ilmijiet u r-riżorsi jista' jkun soġġett għal sanzjonijiet, inkluż is-sospensjoni ta' tariffi preferenzjali għall-merkanzija tar-Renju Unit fis-suq tal-UE;

66.

Jenfasizza l-ħtieġa li fil-Ftehim jiġu inklużi l-perċentwali ta' distribuzzjoni li bħalissa qed jiġu applikati għall-istokkijiet li għandhom jinqasmu bejn iż-żewġ partijiet fl-Anness FISH-2 (Allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd), f'konformità mal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva fis-seħħ;

67.

Jistieden lill-partijiet iżommu l-ishma tal-kwoti eżistenti u d-distribuzzjoni stabbli u kostanti tad-drittijiet tas-sajd; jenfasizza l-importanza tal-ġestjoni fit-tul tar-riżorsi abbażi tal-konformità mal-prinċipji tal-PKS bħar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) u l-miżuri tekniċi, l-għodod ta' ġestjoni reġjonali bħall-Pjanijiet Pluriennali għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Ilmijiet tal-Punent, u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, li s'issa kkontribwew għat-titjib tal-istat tal-istokkijiet tal-ħut għall-benefiċċju tal-flotot kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit;

68.

Jenfasizza li l-Ftehim irid jiżgura li l-miżuri tekniċi jew iż-żoni protetti tal-baħar ikunu reċiproki, nondiskriminatorji u proporzjonati u ma jikkostitwixxux mod de facto ta' esklużjoni tal-bastimenti tal-UE mill-ilmijiet tar-Renju Unit; jinsisti li l-Ftehim ma jistax iwassal għal tnaqqis fl-istandards ambjentali u soċjali tal-UE;

69.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolati (IUU) fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit;

70.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni xierqa, ta' approċċ xjentifiku komuni u ta' garanziji li r-Renju Unit ser ikompli jikkontribwixxi għall-ġbir ta' data u l-valutazzjoni xjentifika tal-istokkijiet bħala bażi għal deċiżjonijiet futuri għall-ġestjoni ta' attivitajiet tas-sajd konġunti fil-baċiri tal-baħar kollha li jaqsmu bejniethom; iħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit ikomplu bil-kooperazzjoni attiva u leali tagħhom fi kwistjonijiet ta' kontroll tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

Drittijiet taċ-ċittadini u moviment liberu ta' persuni

71.

Jinnota b'dispjaċir li r-Renju Unit iddeċieda li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-UE u r-Renju Unit mhux ser jibqa' japplika wara l-perjodu ta' tranżizzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li s-sħubija futura tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-moviment tal-persuni, abbażi ta' reċiproċità sħiħa u nondiskriminazzjoni fost l-Istati Membri; itenni l-fatt li l-aċċess tar-Renju Unit għas-suq intern jeħtieġ li jkun proporzjonat mal-impenji li jieħu biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-persuni; jenfasizza li s-sistema tal-qsim tal-fruntieri ma għandhiex tikkawża ostaklu amministrattiv jew finanzjarju eċċessiv;

72.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tat-tfal minn familji mħallta fejn ġenitur wieħed biss huwa ċittadin tal-UE, u li jiġu provduti l-mekkaniżmi legali xierqa għas-soluzzjoni ta' tilwimiet bejn il-ġenituri, pereżempju fil-każ ta' divorzju;

73.

Iqis li l-ftehimiet ta' mobilità, inkluż l-ivvjaġġar mingħajr viża għal żjarat qosra, għandhom ikunu bbażati fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reċiproċità sħiħa u għandhom jinkludu l-acquis tal-UE dwar il-mobilità, ir-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

74.

Iqis li l-kodifikazzjoni ulterjuri tad-drittijiet taċ-ċittadini permezz ta' dispożizzjonijiet legalment vinkolanti trid tikkostitwixxi parti intrinsika tat-test ta' ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit; iqis li dan irid jinkludi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema transfruntiera, li l-libertà ta' moviment tagħhom għandha tkun garantita, u msejsa fuq in-nondiskriminazzjoni u r-reċiproċità; jitlob li tingħata kunsiderazzjoni għal regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza għal skopijiet ta' riċerka, studju, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' studenti jew proġetti edukattivi, au pairing u servizz volontarju fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u jeħtieġ li dawn ikunu parti mill-ftehim futur u ma jitħallewx għal regolamentazzjoni domestika; ifakkar li l-kriżi tal-COVID-19 uriet id-dipendenza ta' setturi vitali fir-Renju Unit, bħas-saħħa pubblika jew l-agrikoltura, fuq ħaddiema mill-UE, inkluża l-forza tax-xogħol staġonali;

Forza tax-xogħol, mobilità u koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

75.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-Gvern tar-Renju Unit għadu ma ssodisfax l-impenn tiegħu li jattwa Liġi ġdida dwar l-Impjiegi u jħeġġeġ lir-Renju Unit biex jagħmel dan qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jirreferi f'dan ir-rigward speċjalment għall-atti leġiżlattivi tal-UE li ġew adottati reċentement u li l-iskadenzi ta' traspożizzjoni tagħhom huma matul il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq fuq l-importanza kbira li tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza fejn id-drittijiet tal-ħaddiema la huma protetti minn liġi eżistenti tal-Unjoni u lanqas mill-Liġi dwar l-Impjiegi tar-Renju Unit;

76.

Ifakkar fl-importanza li jinżammu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali eżistenti u futuri tal-persuni affettwati, fid-dimensjonijiet kollha; jistieden lin-negozjaturi tal-Ftehim jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jagħtu prijorità lid-drittijiet ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u jipprovdu għall-applikazzjoni kontinwa tar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fil-kapitoli kollha;

77.

Jiddispjaċih, madankollu, li ma hemm previst ebda dispożizzjoni speċjali rigward il-benefiċċji tal-qgħad għall-ħaddiema transfruntiera u għall-ħaddiema fruntalieri, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE u lir-Renju Unit jeżaminaw dispożizzjonijiet xierqa rigward il-benefiċċji tal-qgħad għal ħaddiema transfruntiera u għall-ħaddiema fruntalieri;

78.

Jisħaq fuq l-importanza ta' ftehim dinamiku dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; jisħaq fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim finali dwar il-mobilità tal-persuni jridu jinkludu drittijiet proporzjonati u robusti fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika;

Protezzjoni tad-data

79.

Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data kemm bħala dritt fundamentali kif ukoll bħala faċilitatur ewlieni għall-ekonomija diġitali; jinnota li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex il-Kummissjoni tiddikjara l-adegwatezza tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, hija jeħtiġilha turi li r-Renju Unit jipprovdi livell ta' protezzjoni “essenzjalment ekwivalenti” għal dak offrut mill-qafas legali tal-UE, inkluż dwar trasferimenti ulterjuri lejn pajjiżi terzi;

80.

Ifakkar li l-Att tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi eżenzjoni ġenerali u mifruxa mill-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' immigrazzjoni; jinsab imħasseb li, meta d-data ta' ċittadini mhux tar-Renju Unit tiġi pproċessata fl-ambitu ta' din l-eżenzjoni, dawn mhumiex protetti bl-istess mod bħaċ-ċittadini tar-Renju Unit u jkunu f'konflitt mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15); huwa tal-fehma li l-qafas legali tar-Renju Unit dwar iż-żamma ta' data tat-telekomunikazzjoni elettronika ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-acquis rilevanti tal-UE kif interpretat mill-QĠUE u, għalhekk, bħalissa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal adegwatezza;

81.

Jissottolinja u jappoġġa l-fatt li s-sħubija futura tkun ibbażata fuq impenji li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni adegwata tad-data personali, li hija kundizzjoni neċessarja għall-kooperazzjoni prevista, u fuq is-sospensjoni awtomatika tal-ftehim ta' infurzar tal-liġi jekk ir-Renju Unit iħassar il-liġi domestika li tagħti effett lill-QEDB; jappella lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-qafas legali tar-Renju Unit meta tivvaluta l-adegwatezza tiegħu skont id-dritt tal-UE; jirrakkomanda li titqies il-ġurisprudenza tal-QĠUE f'dan il-qasam, bħall-Kawża Schrems, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-QEDB;

82.

Jieħu l-pożizzjoni li jekk ir-Renju Unit ma jiħux l-impenn espliċitu li jinforza l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mhux ser jaċċetta r-rwol tal-QĠUE, mhu ser ikun possibbli ebda ftehim dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'materji kriminali; jiddispjaċih li s'issa r-Renju Unit irrifjuta li jagħti garanziji sodi dwar id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet individwali u insista li jbaxxi l-istandards attwali u jiddevja mill-mekkaniżmi tal-protezzjoni tad-data li kien intlaħaq qbil dwarhom, inkluż bl-użu ta' sorveljanza tal-massa;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-elementi msemmija hawn fuq meta tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas legali tar-Renju Unit fir-rigward tal-livell tal-protezzjoni tad-data personali, u tiżgura li r-Renju Unit ikun solva l-problemi identifikati f'din ir-riżoluzzjoni qabel ma possibbilment tiddikjara l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit bħala adegwata f'konformità mal-liġi tal-UE kif interpretata mill-QĠUE; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tfittex il-parir tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

Sigurtà, infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

84.

Itenni li għandu jinkiseb progress tanġibbli fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali biex ikun jista' jintlaħaq qbil għal kooperazzjoni komprensiva u effiċjenti li jkun ta' benefiċċju reċiproku għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit;

85.

Jopponi b'qawwa t-talba tar-Renju Unit li jirċievi aċċess dirett għas-sistemi tal-informazzjoni tad-data tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni; jenfasizza għal darb'oħra f'dan ir-rigward li r-Renju Unit, bħala pajjiż terz mhux ta' Schengen, ma jistax ikollu aċċess dirett għal data tas-sistemi tal-informazzjoni tal-UE; iwissi li kwalunkwe kondiviżjoni ta' informazzjoni, inkluża data personali, mar-Renju Unit għandha tkun soġġetta għal salvagwardji, awditjar u kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretti, inkluż livell ta' protezzjoni tad-data personali ekwivalenti għal dak previst mid-dritt tal-UE;

86.

Jindika l-leġiżlazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) tipprojbixxi b'mod espliċitu l-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-sistema u li, bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess għas-SIS; ifakkar li fil-5 ta' Marzu 2020 il-Kunsill ħareġ sett ta' rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw ksur serju fl-applikazzjoni tas-SIS mir-Renju Unit u li fit-tweġiba tar-Renju Unit ftit li xejn hemm intenzjoni li jiġu applikati dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bi ksur tad-dritt tal-UE; iqis li l-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja għandha tkun ibbażata fuq fiduċja reċiproka; jissottolinja li ftehim fuq kooperazzjoni ta' dan it-tip jista' jintlaħaq biss jekk jiġu stabbiliti regoli dwar il-protezzjoni tad-data u jekk ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi sodi ta' infurzar;

87.

Jirrimarka li l-iskambju awtomatizzat ta' data dwar id-DNA mar-Renju Unit skont il-Qafas ta' Prüm tnieda biss fl-2019 u li l-Kunsill wasal biex jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tippermetti lir-Renju Unit jieħu sehem fi skambji awtomatizzati tad-data dattiloskopika; jindika, f'dan ir-rigward, li skont il-proċedura ta' konsultazzjoni speċjali għall-atti ta' dak li qabel kien it-tielet pilastru fit-13 ta' Mejju 2020, il-Parlament ċaħad l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill minħabba tħassib dwar reċiproċità sħiħa għall-iskambju tad-data tal-marki tas-swaba', dwar garanziji tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll dwar iż-żmien qasir ħafna għall-applikazzjoni; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra b'attenzjoni l-argumenti tal-Parlament għaċ-ċaħda; ifakkar lin-negozjaturi li, jekk jiġi adottati, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw dawn l-iskambji awtomatizzati tad-data ser jiskadu fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ftehim f'waqtu dwar arranġamenti ġodda għar-relazzjoni futura, minħabba l-importanza tal-iskambju ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u organizzata u t-terroriżmu;

88.

Jinsab imħasseb li l-mandat ta' negozjar tar-Renju Unit huwa nieqes mill-ambizzjoni f'oqsma importanti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali; jemmen li l-UE u r-Renju Unit jistgħu isibu soluzzjoni li tippermetti livell ta' kooperazzjoni aktar ambizzjuż minn dak previst fil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni;

Migrazzjoni, asil u ġestjoni tal-fruntieri

89.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintlaħaq qbil fuq it-termini ta' kooperazzjoni rigward migrazzjoni ta' ċittadini mhux taż-żewġ partijiet, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana u tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli; itenni t-talba tiegħu li din il-kooperazzjoni jkun fiha, minn tal-anqas, arranġamenti li jsaħħu perkorsi sikuri u legali għall-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja;

90.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni qawwija bejn il-partijiet biex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin tal-bnedmin u t-traffikar tal-bnedmin, f'konformità mad-dritt internazzjonali, li ser jibqa' applikabbli għall-fruntiera bejn l-UE u r-Renju Unit;

91.

Jinsisti li r-Renju Unit ma jistax jagħżel dak li jaqbel lilu rigward l-elementi tal-acquis tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni li jixtieq iżomm;

92.

Jisħaq għal darb'oħra fuq il-ħtieġa li jiġi adottat pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li jkun lest li jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

93.

Bħala parti minn pjan bħal dan, u b'mod aktar ġenerali, il-Parlament ifakkar lin-negozjaturi dwar l-obbligu kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit li jipproteġu t-tfal kollha fit-territorju tagħhom u, skont il-Konvenzjoni 1989 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (il-UNCRC tistieden lill-Istati Membri biex, ladarba jsiru proposti konkreti mir-Renju Unit, jagħtu mandat lill-Kummissjoni ħalli tinnegozja pjan dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għal dawk li jfittxu asil);

94.

Jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ koordinat mill-UE dwar dawn il-kwistjonijiet kollha, peress li hemm riskju li arranġamenti bilaterali bejn ir-Renju Unit u Stati Membri individwali dwar kwistjonijiet bħar-riunifikazzjoni tal-familja għar-rifuġjati jew għal dawk li jfittxu asil, u l-arranġamenti għar-rilokazzjoni jew ir-riammissjoni, ikollhom konsegwenzi negattivi għall-koerenza tal-politika tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni; jappella lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit biex ifittxu li jinkiseb approċċ ibbilanċjat u kostruttiv f'dawn il-kwistjonijiet kollha;

Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

95.

Jappella lill-UE u lir-Renju Unit biex fil-ftehim ta' sħubija futur jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), kif ukoll mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li, fid-Dikjarazzjoni Politika, l-UE u r-Renju Unit ħadu impenn li jmorru lil hinn mill-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar l-AML/CFT fir-rigward tat-trasparenza ta' sjieda benefiċjarja u li jtemmu l-anonimat assoċjat mal-użu ta' muniti virtwali, inkluż bl-użu ta' kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-klijent;

96.

Jappella lill-UE u lir-Renju Unit biex fil-ftehim għal sħubija ġdida jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-superviżjoni tal-entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji marbuta b'obbligu, fil-kuntest tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus;

Kwistjonijiet fiskali

97.

Jappella lill-UE u lir-Renju Unit jagħtu prijorità lill-ġlieda kkoordinata kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jappella lill-partijiet jindirizzaw il-prattiki dwar it-taxxa dannużi billi jfittxu li jdaħħlu fis-seħħ atti ta' kooperazzjoni fl-ambitu tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi; jinnota li, skont il-Kummissjoni, ir-Renju Unit huwa kklassifikat f'pożizzjoni għolja fir-rigward tal-indikaturi li jidentifikaw pajjiż bħala wieħed li għandu aspetti li jistgħu jintużaw minn kumpaniji għal finijiet ta' evitar t-taxxa; jappella biex il-ftehim futur jindirizza b'mod speċifiku din il-kwistjoni; jinnota li, fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit ser jibda jitqies bħala pajjiż terz u li ser ikollu jiġi kkontrollat mill-Grupp tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi skont il-kriterji stabbiliti għal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; jappella lill-UE u lir-Renju Unit jiżguraw kooperazzjoni amministrattiva sħiħa biex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u mal-protezzjoni u l-irkupru tad-dħul mill-VAT;

Ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u ħarsien tal-ambjent

98.

Iqis li r-Renju Unit għandu jallinja ruħu kompletament mal-qafas ta' politika attwali u futur tal-UE dwar il-klima, inkluż l-objettivi riveduti għall-2030, l-objettivi għall-2040 u t-trajettorji biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050;

99.

Iqis li r-Renju Unit għandu jimplimenta sistema ta' pprezzar tal-karbonju li mill-inqas ikollha l-istess ambitu u effikaċja bħal dik prevista mis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS) u għandu japplika l-istess prinċipji rigward l-użu ta' krediti esterni sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; iqis, barra minn hekk, li jekk ir-Renju Unit jitlob li l-iskema tiegħu għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tkun marbuta mal-EU ETS, biex tiġi kkunsidrata tali talba għandhom japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tar-Renju Unit ma għandhiex iddgħajjef l-integrità tal-EU ETS, b'mod partikolari l-bilanċ tagħha ta' drittijiet u obbligi, u għandha tirrifletti ż-żieda kontinwa fl-ambitu u l-eeffikaċja tal-EU ETS; jenfasizza li għandu jkun hemm sistema ta' pprezzar tal-karbonju diġà stabbilita u fis-seħħ qabel il-votazzjoni fil-Parlament dwar jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' Ftehim;

100.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-valutazzjoni xierqa tal-kwalità tal-arja u tal-ilma fir-Renju Unit minbarra l-adozzjoni tal-istandards u l-miri komuni; jenfasizza wkoll l-importanza li r-Renju Unit jimplimenta u jinforza l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet u dispożizzjonijiet oħra maqbula skont id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u jallinja b'mod dinamiku mad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), inkluż l-aġġornamenti għad-Dokumenti ta' Referenza tal-Aħjar Tekniki Disponibbli;

Saħħa pubblika

101.

Jenfasizza li, jekk ir-Renju Unit ikun jixtieq jiġi inkluż fil-lista ta' pajjiżi bil-permess li jesportaw prodotti lejn l-UE li huma soġġetti għal miżuri SPS, ser ikollu jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-UE għal dawk il-prodotti, inklużi r-rekwiżiti relatati mal-proċessi ta' produzzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li r-regoli tal-oriġini, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti alimentari, għandhom ikunu kompletament konformi u li għandhom jiġu adottati regoli ċari fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-prodotti alimentari fir-Renju Unit biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-rekwiżiti tal-UE, speċjalment fil-kuntest ta' FTAs possibbli bejn ir-Renju Unit u pajjiżi oħra;

102.

Jisħaq li r-Renju Unit jeħtieġ ikun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; iqis li l-Partijiet għandhom jaspiraw li jnaqqsu l-użu u r-riskji tal-pestiċidi; jisħaq fuq il-ħtieġa li ż-żewġ Partijiet jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi fil-produzzjoni tal-annimali u biex ikomplu jipprojbixxu l-użu tagħhom bħala promotur tat-tkabbir u jnaqqsu l-użu mhux xieraq jew mhux neċessarju mill-bniedem;

103.

Jenfasizza l-importanza li jiġi evitat in-nuqqas ta' prodotti mediċinali u tagħmir mediku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-partijiet interessati jiżguraw li l-proċess ta' ridistribuzzjoni ta' prodotti mediċinali awtorizzati fuq livell nazzjonali jiġi konkluż sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; jappella lill-UE u lir-Renju Unit jikkooperaw fuq medda twila ta' żmien biex jipprevjenu u jidentifikaw it-theddid stabbilit u emerġenti għas-sigurtà tas-saħħa, u jħejju ruħhom u jirrispondu għal tali theddid; jappella, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni kontinwa bejn l-UE u r-Renju Unit biex jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-pandemija tal-COVID-19; iqis li, jekk waħda mill-partijiet ma tiħux miżuri adegwati biex tindirizza theddida għas-saħħa, il-parti l-oħra tista' tadotta miżuri unilaterali biex tipproteġi s-saħħa pubblika;

104.

Jisħaq fuq l-importanza li tiġi rrispettata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti farmaċewtiċi, it-tagħmir mediku, is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi, inklużi s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali, filwaqt li jiġi żgurat aċċess kontinwu għall-mediċini u l-apparat mediku u jissottolinja l-fatt li fi kwalunkwe każ, il-kumpaniji tar-Renju Unit jiġu soġġetti għall-istess obbligi li japplikaw għal kumpaniji barra miż-ŻEE: jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet sodi dwar il-miżuri SPS li jmorru lil hinn mill-ftehim tad-WTO biex jiġi protett is-suq intern tal-UE, b'mod partikolari l-konsumaturi, minn kwalunkwe riskju relatat mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' prodotti mar-Renju Unit;

Trasport

105.

Jisħaq li s-sħubija prevista abbażi ta' rabtiet ekonomiċi mill-qrib u interessi komuni għandha tipprovdi konnettività kontinwa u bla xkiel għall-mezzi kollha tat-trasport soġġetta għar-reċiproċità u għandha tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards soċjali, tal-impjiegi u tal-ambjent u d-drittijiet tal-passiġġieri; ifakkar li għandha tinkludi wkoll s-sitwazzjoni speċifika tal-Mina taħt il-Kanal Ingliż, speċjalment fir-rigward tal-aspetti tar-reġim tas-sikurezza u l-awtorizzazzjoni;

106.

Iqis li kooperazzjoni futura mar-Renju Unit għandha tipprevedi proġetti tat-trasport li huma ta' interess komuni u tinkoraġġixxi kummerċ u kundizzjonijiet kummerċjali transfruntiera tajbin, b'mod partikolari li jiffaċilitaw u jassistu lin-negozji tal-SMEs jevitaw kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali;

107.

Jemmen li għandha tiġi prevista l-parteċipazzjoni, abbażi ta' interessi komuni, tar-Renju Unit fil-programmi transfruntiera ta' riċerka u żvilupp tal-UE dwar it-trasport;

108.

Ifakkar li huwa importanti li l-Kummissjoni tkun l-uniku negozjatur tal-UE matul in-negozjati u li l-Istati Membri ma għandhom jidħlu għall-ebda negozjat bilaterali; madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrappreżenta l-interessi ta' kull Stat Membru fil-ftehim komprensiv finali;

109.

Jenfasizza li d-drittijiet u l-privileġġi jinvolvu obbligi u li l-livell ta' aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jikkorrispondi bis-sħiħ mal-firxa tal-konverġenza regolatorja u l-impenji miftiehma fir-rigward tal-osservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta abbażi ta' standards minimi komuni applikabbli fl-UE;

110.

Ifakkar li l-avjazzjoni huwa l-uniku mezz ta' trasport li m'għandux appoġġ legali tad-WTO f'każ li ebda ftehim ma jintlaħaq qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

111.

Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi kapitolu ambizzjuż u komprensiv dwar it-trasport bl-ajru li jiżgura l-interessi strateġiċi tal-UE, b'dispożizzjonijiet adegwati, dwar l-aċċess għas-suq, l-investiment u l-flessibilità operattiva u kummerċjali (pereżempju kondiviżjoni tal-kodiċi) fir-rigward ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati filwaqt li għandu jinkludi kooperazzjoni mill-qrib fis-sikurezza tal-avjazzjoni u fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

112.

Jisħaq li kwalunkwe għoti possibbli ta' xi elementi tal-hekk imsejħa “ħames libertà” (libertà tal-ajru) għandu jkun limitat fil-kamp ta' applikazzjoni u jeħtieġ li jinkludi obbligi bbilanċjati u korrispondenti fl-interess tal-UE;

113.

Jinnota li l-qafas attwali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport, abbażi ta' għadd limitat ta' permessi, mhuwiex xieraq għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, filwaqt li jitqies l-ammont ta' merkanzija ttrasportata bit-triq bejn l-UE u r-Renju Unit; f'dan ir-rigward, jisħaq li għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex jiġi evitat theddid għall-ordni pubbliku u jiġi evitat tfixkil fil-flussi tat-traffiku tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-operaturi ta' servizzi ta' kowċis u xarabanks; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu pprovduti rotot diretti bil-baħar mtejba mill-Irlanda lejn il-kontinent u b'hekk titnaqqas id-dipendenza fuq “il-pont bl-art” tar-Renju Unit;

114.

Jenfasizza li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija tar-Renju Unit ma jistgħux jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija tal-UE fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

115.

Iqis li s-sħubija prevista għandha tinkludi d-dritt ta' tranżitu ta' vjaġġi bit-tagħbija u bla tagħbija mit-territorju ta' parti waħda lejn it-territorju tal-istess parti mit-territorju tal-parti l-oħra;

116.

Iqis li s-sħubija maħsuba għandha tinkludi kundizzjonijiet ekwivalenti fl-oqsma, b'mod partikolari, tax-xogħol, tal-ħin tas-sewqan u l-mistrieħ, tal-istazzjonar tax-xufiera, tat-takografi, tal-piż u d-dimensjonijiet tal-vetturi, tat-trasport ikkombinat u tat-taħriġ tal-persunal, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat livell komparabbli ta' protezzjoni fir-rigward tal-operaturi u tax-xufiera;

117.

Iħeġġeġ li jenħtieġ li l-fluwidità tal-kummerċ marittimu bejn l-UE u r-Renju Unit, il-moviment liberu tal-passiġġieri, il-baħħara, il-persunal fuq il-baħar u fuq l-art ikunu ta' prijorità; f'dan ir-rigward jisħaq li l-UE u r-Renju Unit għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistemi adegwati tal-fruntiera u tad-dwana biex jiġi evitat li jkun hemm dewmien u tfixkil;

Kultura u edukazzjoni

118.

Iqis li l-Ftehim għandu jagħmilha ċara li ser jirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika f'konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

119.

Jilqa' d-dikjarazzjoni ċara fid-direttivi ta' negozjar li r-relazzjonijiet ġejjiena bejn l-UE u r-Renju Unit għandhom jinkludu wkoll djalogu u skambji fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura; jappella lill-Kummissjoni tqis in-natura speċifika tas-settur kulturali meta tinnegozja d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-mobilità; jinsab imħasseb, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u s-soġġorn temporanju ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju, li jinsabu fl-abbozz ta' test tal-ftehim ippubblikat mill-Kummissjoni, ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tas-settur kulturali u kreattiv, u jissograw li jxekklu il-kontinwità tal-iskambji kulturali;

120.

Jappoġġa bla riżervi iċ-ċarezza tad-direttivi ta' negozjar li s-servizzi awdjoviżivi għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tas-sħubija ekonomika, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' soda fil-pożizzjoni tagħha;

121.

Jisħaq li l-aċċess għas-suq għas-servizzi awdjoviżivi fl-Unjoni jista' jiġi garantit biss jekk id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) tiġi implimentata għalkollox biex l-istess drittijiet ta' ritrażmissjoni jingħataw liż-żewġ naħat; ifakkar li l-kontenut li joriġina mir-Renju Unit ser ikompli jiġi klassifikat bħala “xogħlijiet Ewropej” wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sakemm ix-xogħlijiet li joriġinaw fi Stati mhux Membri u fi Stati mhux taż-ŻEE li huma parti għall-Konvenzjoni dwar it-Televiżjoni Transkonfinali tal-Kunsill tal-Ewropa jkunu inklużi fil-kwota tal-kontenut ta' “xogħlijiet Ewropej”;

122.

Jilqa' l-inklużjoni ta' kwistjonijiet relatati mar-ritorn jew ir-restituzzjoni ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; u jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni kontinwa mar-Renju Unit f'dan il-qasam;

Governanza finanzjarja u qafas ta' skrutinju

123.

Jappella biex jiġi żgurat u rispettat id-dritt ta' aċċess għas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif ukoll id-dritt ta' skrutinju tal-Parlament; ifakkar li l-QĠUE trid tiġi aċċettata bħala l-qorti kompetenti f'każijiet fejn il-konformità mal-liġi tal-UE u l-interpretazzjoni tagħha huma kkonċernati;

Parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni

124.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipji u l-kundizzjonijiet li ġejjin u li huma applikabbli kemm għall-“Parteċipazzjoni fil-Programmi tal-Unjoni” kif ukoll għall-“Arranġamenti u governanza orizzontali”:

(a)

tieħu l-azzjoni neċessarja biex tiżgura li l-prinċipji ġenerali, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bħala parti mis-sħubija prevista fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE jinkludu r-rekwiżit li r-Renju Unit jagħmel kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa għal kwalunkwe programm li jipparteċipa fih, kemm f'termini ta' miżata ta' parteċipazzjoni kif ukoll ta' kontribuzzjoni operattiva;

(b)

tiżgura li r-regola ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe programm tkun skont il-kundizzjonijiet standard applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi u tkun għat-tul kollu tal-programm ikkonċernat u għall-partijiet kollha tal-programm, ħlief meta parteċipazzjoni parzjali tkun ġustifikata għal raġunijiet bħall-kunfidenzjalità; tirrakkomanda li tiżgura prevedibbiltà għall-parteċipanti fil-programmi tal-UE li huma stabbiliti fl-UE u stabbiltà f'termini ta' allokazzjonijiet baġitarji;

(c)

tiżgura li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE ma tinvolvix trasferiment ġenerali nett mill-baġit tal-Unjoni lejn ir-Renju Unit u li l-UE tkun tista' tissospendi jew ittemm unilateralment il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe programm jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ma jiġux ssodisfati jew jekk ir-Renju Unit ma jħallasx il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu;

(d)

tiżgura li fil-Ftehim mar-Renju Unit jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati irregolaritajiet finanzjarji, frodi, ħasil tal-flus u reati kriminali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

125.

Jemmen, b'mod partikolari, li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'konformità mal-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi programmi tal-Unjoni fi programmi transfruntiera, kulturali, ta' żvilupp, edukattivi u ta' riċerka bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva, Orizzont, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, il-Programm LIFE, in-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), l-Ajru Uniku Ewropew (SES), Interreg, inizjattivi konġunti dwar it-teknoloġija bħal Clean Sky I u II, ir-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), ERICs, Galileo, Copernicus, is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), il-Qafas ta' Appoġġ għal Sorveljanza u Insegwiment fl-Ispazju (SST), u sħubijiet pubbliċi-privati, hija importanti;

126.

Jistenna li l-ftehim jindirizza r-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Euratom u mal-proġett ITER u l-impatt ta' rtirar fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet; jistenna li r-Renju Unit, barra minn hekk, jikkonforma mal-ogħla standards ta' sikurezza, sigurtà u protezzjoni mir-radjazzjoni fil-qasam nukleari;

127.

Iqis li, jekk ir-Renju Unit fl-aħħar mill-aħħar ikun jixtieq jipparteċipa fis-suq intern, hu għandu jikkontribwixxi għall-fondi ta' koeżjoni għall-perjodu 2021-2027, bħalma huwa l-każ għall-pajjiżi taż-ŻEE;

128.

Jemmen li l-ftehim il-ġdid għandu jqis il-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-UE affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

129.

Jisħaq fuq il-fatt li huwa importanti ħafna li l-programm PEACE ikompli jopera fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni fil-fruntiera tal-Irlanda, u li jiġi ġestit b'mod awtonomu mill-Korp għall-Programmi Speċjali tal-UE;

130.

Iqis li l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tal-UE fuq in-naħa l-waħda, u l-Pajjiżi u t-Territorji barra mix-xtut tar-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, b'mod partikolari fil-Karibew u l-Paċifiku, għandha titkompla; jitlob dispożizzjonijiet speċjali li jippermettu proġetti konġunti futuri fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-fondi ta' koeżjoni, skont il-każ; u l-ħtieġa li jinżamm livell adegwat ta' appoġġ għall-bqija tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej;

131.

Jissottolinja li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), li qiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji permezz tal-baġit tal-UE, jikkostitwixxi espressjoni tanġibbli ta' solidarjetà meta riperkussjonijiet serji, inter alia, fuq l-ekonomija jaffettwaw reġjun wieħed jew aktar tal-UE jew ta' pajjiż li jkun qed japplika għall-adeżjoni;

132.

Jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm rabta bejn il-parteċipazzjoni fil-programmi mal-allinjament tal-politiki relatat, bħal politiki dwar il-klima jew iċ-ċibernetika;

133.

Iqis li ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija, f'konformità mal-ftehim globali dwar ir-relazzjonijiet futuri u bbażat fuq governanza robusta u kundizzjonijiet ekwivalenti, ikun fl-interess reċiproku taż-żewġ partijiet;

134.

Jissottolinja li biex tiġi żgurata l-kontinwità għas-Suq Uniku tal-Elettriku fuq il-gżira tal-Irlanda wara l-ħruġ tar-Renju Unit, dan jirrikjedi t-tkomplija tal-applikazzjoni tal-acquis tal-enerġija tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq;

135.

Huwa tal-fehma li r-Renju Unit jista' jkompli jkun sieħeb importanti fil-politika spazjali tal-UE, jissottolinja li l-aċċess futur tar-Renju Unit għall-Programm Spazjali tal-UE jeħtieġ li jiġi indirizzat fin-negozjati filwaqt li jinżammu l-interessi tal-UE u f'konformità mal-qafas legali applikabbli għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fil-Programm Spazjali tal-UE;

Proprjetà intellettwali

136.

Jenfasizza li l-ftehim previst għandu jinkludi miżuri sodi u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u livell għoli ta' protezzjoni tal-IG kif ukoll tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, it-trademarks u d-disinni industrijali, il-privattivi u s-sigrieti kummerċjali, abbażi tal-qafas ġuridiku attwali u futur tal-UE, mingħajr ma jitqiegħed f'riskju l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet aċċessibbli, bħall-mediċini ġeneriċi; iqis li għandu jiżgura wkoll il-possibbiltà ta' kooperazzjoni bilaterali mill-qrib bejn l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-Uffiċċji tal-Proprjetà Intellettwali fir-Renju Unit;

Dritt soċjetarju

137.

Jinnota li, sabiex jiġi evitat li jitbaxxew l-istandards u jiġi żgurat l-istatus ġuridiku fir-Renju Unit u fl-UE, huwa mixtieq li l-ftehim previst jinkludi standards minimi komuni rigward l-istabbiliment u t-twettiq ta' operazzjonijiet, il-protezzjoni għall-azzjonisti, il-kredituri jew l-impjegati, ir-rappurtar tal-kumpanija u r-regoli dwar l-awditjar u t-trasparenza, kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw ir-ristrutturar u l-falliment jew l-insolvenza;

Kooperazzjoni fil-ġustizzja ċivili, inkluż fi kwistjonijiet tal-familja

138.

Jissottolinja li l-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili hija tal-ogħla importanza biex jiġu garantiti l-interazzjonijiet kummerċjali u korporattivi futuri bejn iċ-ċittadini u l-kumpaniji u biex jingħataw ċertezza u protezzjoni suffiċjenti lill-partijiet fi tranżazzjonijiet transfruntiera u f'attivitajiet oħra; huwa tal-fehma li għandu, għaldaqstant, jiġi vvalutat bir-reqqa jekk il-Konvenzjoni ta' Lugano tistax tkun soluzzjoni adegwata li tippermetti lill-UE żżomm il-bilanċ globali tar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, jew jekk ikunx iktar xieraq li tinstab soluzzjoni ġdida li tkun tista' tiżgura “allinjament dinamiku” bejn iż-żewġ naħat;

139.

Jenfasizza li l-ftehim previst għandu jsib soluzzjoni sinifikanti u komprensiva, b'mod partikolari, fir-rigward ta' kwistjonijiet matrimonjali, ta' responsabbiltà tal-ġenituri u kwistjonijiet oħra tal-familja; f'dak il-kuntest, jinnota li kwalunkwe dispożizzjoni ta' infurzar reċiproku rigward kwistjonijiet tal-familja fil-ftehim previst ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka tas-sistemi ġudizzjarji, iżda wkoll fuq l-eżistenza ta' ċerti garanziji kostituzzjonali u ta' standards komuni dwar id-drittijiet fundamentali;

Kooperazzjoni għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja

140.

Josserva li r-Renju Unit jibqa' wieħed mill-ikbar donaturi bilaterali fid-dinja u jindika li l-UE teħtieġ tindirizza l-opportunitajiet għal kooperazzjoni mar-Renju Unit fi spirtu ta' sħubija; jiddispjaċih li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jħalli diskrepanzi fil-politika globali tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja;

141.

Jenfasizza r-rwoli ċentrali li jaqdu l-UE u r-Renju Unit biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni permezz tal-politika tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja; jissottolinja l-importanza li tiġi segwita l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp f'dak ir-rigward;

142.

Jissottolinja l-importanza ta' sħubija b'saħħitha li tħaddan l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet filwaqt li tiżgura kontinwità ta' impenn u kollaborazzjoni biex jinkisbu l-SDGs, id-drittijiet tal-bniedem, il-qerda tal-faqar, kif ukoll biex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Pariġi; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tar-risponsi armonizzati għal kriżijiet umanitarji u l-prinċipji fundamentali ta' għajnuna umanitarja;

143.

Jinsab konvint li l-isħubija ta' wara Cotonou u l-Istrateġija UE-Afrika jistgħu jissaħħu permezz ta' kooperazzjoni effettiva mar-Renju Unit u bl-isfruttar tal-preżenza qawwija tar-Renju Unit fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku; jenfasizza li l-UE, ir-Renju Unit u l-pajjiżi AKP għandhom jikkooperaw fil-livelli kollha b'konformità mal-prinċipji ta' sħubija, solidarjetà u komplementarjetà;

Sigurtà u affarijiet barranin

144.

Jinnota l-fatt li l-objettivi tar-Renju Unit fin-negozjati, ippubblikati fis-27 ta' Frar 2020, affermaw li l-politika barranija se tkun iddeterminata biss f' qafas ta' djalogu u kooperazzjoni usa' ta' ħbiberija bejn ir-Renju Unit u l-UE, li wassal biex dan il-qasam ewlieni ġie degradat għall-istatus ta' relazzjoni mhux istituzzjonalizzata li għandha tiġi miftiehma fi stadju aktar tard;

145.

Jiddispjaċih li dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Politika li tipprevedi sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u jitlob li tiġi stabbilita sħubija futura, wiesgħa, komprensiva u bbilanċjata fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u r-Renju Unit, u li r-Renju Unit approva;

146.

Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE skont liema il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża għandhom ikunu parti minn ftehim komprensiv li jirregola r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit;

147.

Jiddeplora l-fatt li r-Renju Unit ma juri l-ebda ambizzjoni għar-relazzjonijiet mal-UE fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża, u li dawn it-temi ma kinux espliċitament koperti mill-mandat tar-Renju Unit u, għaldaqstant, ma jifformawx parti mill-11-il mejda tan-negozjati;

148.

Ifakkar li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jikkondividu prinċipji, valuri u interessi; jisħaq li huwa fl-interess taż-żewġ naħat li tinżamm kooperazzjoni ambizzjuża, mill-qrib u dejjiema li tirrispetta l-awtonomija tal-UE fil-forma ta' qafas komuni dwar il-politika estera u ta' sigurtà bbażata fuq l-Artikolu 21 tat-TUE u li tqis il-Karta tan-NU u n-NATO fl-oqsma li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tal-paċi;

(b)

approċċ kondiviż lejn sfidi ta' sigurtà komuni, u stabbiltà globali inkluż fil-viċinat Ewropew;

(c)

il-promozzjoni ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

(d)

il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

(e)

il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(f)

il-promozzjoni tal-prosperità globali, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-telf tal-bijodiversità;

149.

Josserva li kooperazzjoni internazzjonali integrata u kkoordinata fil-fond bejn l-UE u r-Renju Unit tkun ta' benefiċċju kbir għaż-żewġ partijiet u għall-ordni dinji globali inġenerali minħabba l-approċċi simili tagħhom lejn multilateraliżmu effettiv, is-salvagwardja tal-paċi, is-sigurtà u s-sostenibbiltà kif ukoll id-difiża u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jipproponi li dan il-koordinament għandu jkun irregolat minn pjattaforma sistematika għal konsultazzjonijiet u koordinament fuq livell għoli dwar kwistjonijiet relatati mal-politika barranija; jissottolinja l-importanza u l-valur miżjud ta' kooperazzjoni interparlamentari dwar kwistjonijiet globali;

150.

Jisħaq fuq il-fatt li risponsi komuni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża bħalma huma t-terroriżmu, il-gwerra ċibernetika, il-kriżi fil-viċinat, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u t-theddid ibridu huma meħtieġa għaż-żewġ naħat; iħeġġeġ id-djalogu, il-konsultazzjoni, il-koordinament u l-iskambju tal-informazzjoni u tal-intelligence effettivi, f'waqthom u reċiproċi; soġġetti għal kontroll demokratiku mill-istituzzjonijiet tar-Renju Unit u tal-UE; ifakkar li l-iskambji ta' informazzjoni kklassifikata jridu jiġu organizzati f'qafas speċifiku;

151.

Jenfasizza li minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jsir pajjiż terz mingħajr ebda qafas speċifiku ta' relazzjonijiet, fatt li se kollu riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-kooperazzjoni eżistenti fil-politika barranija u tas-sigurtà;

152.

Jistieden kemm lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit isaħħu l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali inkluż billi jiżviluppaw strateġiji konġunti biex jissaħħu l-isforzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi; jistieden liż-żewġ partijiet jippromwovu l-kultura tal-paċi u d-djalogu bħala mezz għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tan-nisa u tal-ġeneru; jappoġġa t-tkomplija tal-kooperazzjoni eżistenti f'dawk l-oqsma; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni preferenzjali sistematika fl-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jappella għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u r-Renju Unit dwar kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp demokratiku, il-proċessi ta' riforma u l-prattiki parlamentari demokratiċi f'pajjiżi terzi, inkluża l-osservazzjoni elettorali;

153.

Jiddikjara l-interess b'saħħtu tal-UE f'tali sħubija tal-affarijiet barranin u tas-sigurtà, fid-dawl tal-benefiċċji reċiproċi li jirriżultaw mis-siġġu permanenti tar-Renju Unit u ta' Franza fil-Kunsill tas-Sigurtà, is-servizz diplomatiku effiċjenti ħafna tar-Renju Unit u tal-membri tal-UE, u l-fatt li r-Renju Unit għandu l-aktar forzi armati b'saħħithom fl-Ewropa;

154.

Jipproponi li s-sħubija futura tkun ibbażata fuq kooperazzjoni u koordinament mill-qrib ħafna u regolari fin-NU, b'mod partikolari l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

155.

Jisħaq fuq l-importanza reċiproka bejn is-sigurtà u l-iżvilupp; iħeġġeġ kemm lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit jikkooperaw mill-qrib dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-għajnuna umanitarja; ifakkar liż-żewġ partijiet dwar l-importanza li jimpenjaw ruħhom fir-rigward tal-ilħuq tal-objettiv ta' ODA/DNG ta' 0,7 % u li jappoġġaw il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; jemmen li s-sħubija ta' wara Cotonou u l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni effikaċi mar-Renju Unit li jindirizzaw standards soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-protezzjoni ambjentali għolja, sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u l-ftehim ta' Pariġi;

156.

Jisħaq fuq il-fatt li huwa fl-interess reċiproku tal-UE u tar-Renju Unit, amplifikat mill-prossimità ġeografika tagħhom, li jikkooperaw fl-iżvilupp ta' kapaċitajiet tad-difiża effikaċi u tassew interoperabbli, anki mall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li magħha għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv, u jkomplu s-sħubijiet ta' valur kbir fi ħdan il-programmi tan-NATO u tal-UE fil-qasam tad-difiża u tas-sigurtà esterna, Galileo, il-programmi marbuta maċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra kampanji ta' diżinformazzjoni u ċiberattakki mmirati, kif uriet il-pandemija attwali tal-COVID-19; ifakkar li, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-Servizz Pubbliku Regolat ta' Galileo, ftehim speċifiku huwa kemm possibbli kif ukoll meħtieġ; jinnota wkoll li, fir-rigward tal-Fond Ewropew għad-Difiża li jmiss, ir-Renju Unit jista' jiġi assoċjat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-pajjiżi terzi; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lir-Renju Unit jiżviluppaw approċċ konġunt għall-istandardizzazzjoni tat-teknoloġija tad-difiża;

157.

Jistenna li r-Renju Unit ikun jista' jkompli bil-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni stabbiliti tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

158.

Ifakkar li numru ta' miżuri restrittivi (reġimi ta' sanzjonijiet) attwalment huma fis-seħħ fir-Renju Unit skont il-leġiżlazzjoni tal-UE; jirrikonoxxi l-użu effikaċi tas-sanzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt f'konformità mal-Karta tan-NU; jissottolinja l-fatt li r-Renju Unit xorta jkun marbut japplika r-reġimi ta' sanzjonijiet tan-NU wara l-ħruġ tiegħu u jappella lir-Renju Unit ikompli jallinja l-politika tiegħu dwar is-sanzjonijiet mal-UE; u jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' koordinament adegwat għas-sanzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet, u kooperazzjoni mill-qrib dwar is-sanzjonijiet fil-fora globali, bil-għan li jimmassimizza l-impatt tagħhom u jiżgura konverġenza u l-fatt li l-interessi reċiproċi jkunu segwiti u ssodisfati fil-promozzjoni tal-valuri komuni;

159.

Iħeġġeġ lir-Renju Unit jipparteċipa fl-aġenziji rilevanti tal-UE u jieħu rwol prominenti fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet immexxija mill-UE u fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, inkluż f'missjonijiet umanitarji u ta' salvataġġ, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fiż-żamma tal-paċi, fil-konsulenza u l-assistenza militari u fl-istabbilizzazzjoni ta' wara l-kunflitti kif ukoll fi proġetti fl-ambitu tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), fejn ikun mistieden jipparteċipa, u jisħaq li tali parteċipazzjoni għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet stretti li jirrispettaw l-awtonomija tal-UE fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll is-sovranità tar-Renju Unit, il-prinċipju ta' drittijiet u obbligi bbilanċjati u abbażi ta' reċiproċità effettiva, inkluża kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u xierqa; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jinformaw b'mod regolari lill-Parlament dwar il-proċess tad-djalogu politiku mar-Renju Unit u dwar l-aspetti ewlenin tal-iskambji ta' informazzjoni dwar il-PSDK u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

160.

Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà globali u Ewropea; ifakkar fl-importanza ta' strateġija Ewropea koerenti u kredibbli għal negozjati multilaterali fil-livell globali u dwar miżuri reġjonali ta' tnaqqis tat-tensjoni u miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja; ifakkar fir-rwol importanti li kellu r-Renju Unit fir-rigward tal-iżvilupp u l-istabbiliment ta' tali normi, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet; jistieden lir-Renju Unit jiżviluppa strateġija konġunta mal-UE fir-rigward ta' dan il-qasam ta' politika f'konformità mal-aġenda dwar id-diżarm tan-NU; jistieden lir-Renju Unit jimpenja ruħu li jibqa' marbut bil-kriterji ekwivalenti għal dawk miġbura mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (19) u, b'mod konġunt mal-UE, jippromwovi l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni stretta tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni (TNP) u t-tiġdid tat-Trattat START il-ġdid;

161.

Jenfasizza l-importanza kbira tal-kooperazzjoni konsulari u diplomatika bejn l-UE u r-Renju Unit, billi din tkun tiggarantixxi assistenza effiċjenti għaċ-ċittadini ta' xulxin u tkun tippermetti kemm lir-Renju Unit kif ukoll lill-UE joffru liċ-ċittadini tagħhom il-possibbiltà li jgawdu mill-protezzjoni konsulari fi stati terzi fejn waħda miż-żewġ partijiet ma jkollha ebda rappreżentanza diplomatika, skont il-punt (c) tal-Artikolu 20 TFUE;

162.

Jenfasizza l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-kapaċitajiet u tal-mezzi militari, bil-forzi armati Ewropej jaqdu rwol kruċjali biex jappoġġaw l-isforzi ċivili fl-indirizzar tal-pandemija, filwaqt li jissodisfaw il-missjonijiet fundamentali tagħhom; jenfasizza li din il-pandemija wriet l-importanza ta' awtonomija strateġika tal-kooperazzjoni tal-UE u Ewropea fil-qasam tad-difiża biex jiġu protetti l-popolazzjonijiet Ewropej fi żminijiet ta' emerġenza u biex titrawwem ir-reżiljenza tal-Istati Membri; iqis li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex tkun tista' sseħħ kooperazzjoni fil-pront bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fid-dawl tal-kriżijiet futuri ta' natura u kobor simili; huwa tal-fehma li abbażi tat-tagħlimiet miksuba mill-pandemija tal-COVID-19, is-servizzi mediċi militari Ewropej għandhom jiffurmaw skambju ta' informazzjoni u network ta' appoġġ biex titrawwem reżiljenza Ewropea wiesgħa fi żminijiet ta' emerġenza u kriżi; iqis li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi kwalunkwe tali network mediku militari Ewropew futur tkun ta' benefiċċju b'mod reċiproku;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali u governanza

163.

Jirrimarka li l-Ftehim kollu kemm hu mar-Renju Unit, bħala pajjiż terz, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ekwivalenti, il-kwistjonijiet settorjali speċifiċi u l-oqsma tematiċi tal-kooperazzjoni u s-sajd, għandu jinkludi l-istabbiliment ta' sistema ta' governanza unika, koerenti u solida bħala qafas globali li jkopri s-superviżjoni u l-ġestjoni konġunta kontinwa tal-Ftehim kif ukoll mekkaniżmi trasparenti tas-soluzzjoni ta' tilwim, ta' konformità u ta' infurzar, b'sanzjonijiet u miżuri provviżorji meta jkun meħtieġ, fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim;

164.

Huwa tal-opinjoni li mekkaniżmu ta' governanza uniku, komprensiv u orizzontali għandu jkun applikabbli għar-relazzjoni futura mar-Renju Unit kollu kemm hu, inkluż kwalunkwe ftehim supplementari li jista' jiġi konkluż fi stadju aktar tard, filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u jiġu evitati l-ineffiċjenzi; jirrimarka li l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim se jeħtieġ li jkun robust u għandu jipprevedi sanzjonijiet gradwali kif ukoll rimedji meta jkun determinat li waħda mill-partijiet tkun qed tikser il-Ftehim, u li dan il-mekkaniżmu jeħtieġ li jiżgura rimedji effettivi, azzjonabbli malajr u dissważivi; jenfasizza li l-Parlament se jkompli jkun viġilanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha; ifakkar li r-Renju Unit, bħala ex Stat Membru, żviluppa strutturi ta' kooperazzjoni u djalogu istituzzjonali importanti mal-UE li għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' tali arranġamenti orizzontali; itenni li l-UE tistenna mir-Renju Unit livell ogħla ta' ambizzjoni fir-rigward tal-governanza sabiex tibni sħubija futura soda;

165.

Jinsisti fuq il-ħtieġa assoluta li dik is-sistema ta' governanza, filwaqt li tirrispetta l-awtonomija taż-żewġ naħat, tippreserva bis-sħiħ l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-ordinament ġuridiku u tas-sistema ġudizzjarja tal-UE, inkluż ir-rwol tal-Parlament u tal-Kunsill bħala l-koleġiżlaturi tad-dritt tal-UE, u r-rwol tal-QĠUE bħala l-uniku interpretu tad-dritt tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; iqis li, għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq kunċetti tad-dritt tal-UE, l-arranġamenti ta' governanza jridu jipprevedu r-rinviju quddiem il-QĠUE;

166.

Jilqa' pożittivament il-proposta biex tiġi stabbilita Assemblea ta' Sħubija Parlamentari għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament tar-Renju Unit, li jkollha d-dritt li tirċievi informazzjoni mill-Kunsill ta' Sħubija u tressaqlu rakkomandazzjonijiet u jenfasizza li l-Ftehim għandu jipprovdi l-bażi ġuridika għad-dispożizzjonijiet li jippermettu l-istruttura istituzzjonali ta' dak il-korp;

167.

Jeżiġi li r-rwol tal-Parlament jiġi rispettat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni regolatorja sabiex jiġi żgurat li huwa jkun jista' jeżerċita sorveljanza politika xierqa u li d-drittijiet u l-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur ikunu garantiti; ifakkar fid-drittijiet tal-Parlament li jkun infurmat dwar l-arranġamenti dwar ir-rieżami tal-Ftehim;

168.

Jenfasizza li l-Ftehim fl-intier tiegħu għandu jkun kopert minn dispożizzjonijiet dwar id-djalogu tas-soċjetà ċivili, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-konsultazzjoni miż-żewġ partijiet, skont il-paragrafu 125 tad-Dikjarazzjoni Politika, li għandha tinkludi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegati li jirrappreżentaw kemm liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit kif ukoll liċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE; jinsisti fuq it-twaqqif ta' gruppi konsultattivi domestiċi li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

169.

Jappoġġa l-parteċipazzjoni kontinwa tar-Renju Unit bħala osservatur ta' pajjiż terz mingħajr ebda rwol ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'aġenziji mhux regolatorji tal-UE bħal fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent jew l-impjiegi, kif ukoll ftehimiet ta' kooperazzjoni possibbli tar-Renju Unit ma' aġenziji regolatorji bejn il-pari, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, sabiex jiġu skambjati d-data, l-aħjar prattiki u l-għarfien xjentifiku; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, filwaqt li jqis l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz mhux f'Schengen u bħala sieħeb ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, tikkunsidra l-potenzjal ta' kooperazzjoni prattika futura bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni;

o

o o

170.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet informattivi, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-gvern u lill-parlament tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

(1)  ĠU L 58, 27.2.2020, p. 53.

(2)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.

(3)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

(4)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.

(5)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2019)0016.

(7)  Testi adottati, P9_TA(2020)0006.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2020)0033.

(9)  UKTF(2020)14.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0018.

(11)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(12)  ĠU C 34, 31.1.2020, p. 1.

(13)  ĠU L 58, 27.2.2020, p. 53.

(14)  Hemm bżonn li fi ftehim futur, jiġi inkluż mekkaniżmu ad hoc kontra riskji ta' “swap” biex is-suq intern ikun protett minn sitwazzjoni li fiha r-Renju Unit jagħżel li jimporta merkanzija bi prezz baxx minn pajjiżi terzi (sabiex jissodisfa l-konsum domestiku tiegħu) u jesporta l-produzzjoni domestika tiegħu mingħajr dazju lejn suq aktar profittabbli tal-UE; Dan il-fenomenu, li jkun ta' benefiċċju kemm għar-Renju Unit kif ukoll għal pajjiżi terzi, li r-regoli dwar l-oriġini ma jistgħux jipprevjenu, ikun fattur destabbilizzanti għas-setturi agrikoli tal-UE u, għaldaqstant, jirrikjedi mekkaniżmi operazzjonali speċifiċi.

(15)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(18)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(19)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.


Il-Gimgħa 19 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/114


P9_TA(2020)0167

Is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (2019/2209(INI))

(2021/C 362/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u s-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (2), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (3), inklużi ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) u l-Ftehim ta' sħubija komprensiv u msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (4),

wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan approvati mill-Kunsill ta' Koperazzjoni fit-28 ta' Settembru 2018 (5),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitati Parlamentari ta' Assoċjazzjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova tad-19 ta' Diċembru 2019,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tat-18 ta' Diċembru 2019 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa,

wara li kkunsidra l-Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja (8) u r-Repubblika tal-Ażerbajġan (9) dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, u l-iffirmar ta' ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi mill-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Belarussja fit-8 ta' Jannar 2020 (10),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Marzu 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Eastern Partnership policy beyond 2020: Reinforcing Resilience – an Eastern Partnership that delivers for all” (Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020: tisħiħ tar-reżiljenza – Sħubija tal-Lvant vantaġġjuża għal kulħadd),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar “il-futur tal-Istrateġija Trio Plus 2030: nibnu l-futur tas-Sħubija tal-Lvant”,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar (11), tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (12), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (13), tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (14), tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (15), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (16), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (17), tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (18), tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant (19), tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea (20), tad-19 ta' April 2018 dwar il-Belarussja (21), tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (22), tal-4 ta' Lulju 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (23), tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97 (24), tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova (25), tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (26) u tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, speċjalment dawk relatati mal-azzjonijiet tar-Russja fit-territorji tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, mal-ksur tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, mal-okkupazzjoni ta' partijiet mit-territorju tal-Georgia u l-attivitajiet ta' “frunterizzazzjoni” relatati, u mal-propaganda ostili u d-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (28) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar [in-negozjati dwar] il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan (29),

wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0112/2020),

A.

billi, fil-futur immedjat, l-UE tibqa' l-potenza politika u ekonomika dominanti tal-Ewropa, u għalhekk għandha responsabbiltà fil-konfront tal-ġirien tagħha;

B.

billi l-Istateġija Globali tal-UE ta' Ġunju 2016 tiddikjara li l-prijorità tal-UE hija t-trawwim ta' Stati reżiljenti, iggvernati tajjeb, prosperi u allinjati fil-viċinat;

C.

billi s-Sħubija tal-Lvant (SL) hija, min-natura tagħha, inklużiva, hija bbażata fuq interessi u fehim reċiproċi, sjieda u responsabbiltà kondiviżi, differenzjazzjoni u kundizzjonalità u timmira lejn impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea bil-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom u jaderixxu mad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, bħad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, l-ekonomija soċjali tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, bil-għan li żżid l-istabbiltà u l-prosperità;

D.

billi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL mhuwiex proċess lineari u kooperazzjoni vera u proprja tista' tinkiseb u tinżamm biss jekk il-valuri u l-prinċipji fundamentali Ewropej jiġu rispettati matul il-proċess kostituzzjonali u leġiżlattiv u jekk il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-istrutturi oligarkiċi u n-nepotiżmu tiġi garantita; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li, f'każijiet gravi ta' rigress, il-kooperazzjoni tista' tiġi revokata;

E.

billi ċerti pajjiżi tas-SL għażlu li jsegwu integrazzjoni politika, umana u ekonomika aktar mill-qrib mal-UE, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni u skont ir-riżultati tal-prestazzjoni u l-aspirazzjonijiet, u kkonkludew Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ambizzjużi, fosthom Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), kif ukoll reġimi ta' eżenzjoni mill-viżi u Ftehimiet ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni; iddikjaraw ukoll l-għan strateġiku ta' adeżjoni mal-UE u diġà wrew il-kapaċità tagħhom li jiżguraw stabbiltà, sigurtà, prosperità u reżiljenza akbar fil-viċinat tal-Lvant; billi s-sostenn pubbliku fis-soċjetajiet tagħhom favur l-integrazzjoni Ewropea għadu f'livell ferm għoli;

F.

billi l-pajjiżi tas-SL l-oħrajn isegwu livell ta' ambizzjoni aktar artikolat fil-konfront tal-UE; billi l-Armenja tagħmel parti mill-istrutturi ta' integrazzjoni militari u ekonomika reġjonali bi tmexxija Russa (l-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva) u kkonkludiet il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-UE; billi l-Ażerbajġan ilu mill-2017 jinnegozja ftehim komprensiv ġdid mal-UE li se jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999; billi l-Belarussja ma għandha l-ebda relazzjoni kuntrattwali fuq il-bażi ta' trattati mal-UE, iżda dan l-aħħar ġew iffirmati ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u dwar ir-riammissjoni;

G.

billi minn mindu nħolqot is-SL, il-pajjiżi sħab urew ritmu differenti ta' riformi politiċi u ekonomiċi, minħabba fatturi kemm interni kif ukoll esterni, u għadhom ma waslux f'punt li fih dawn ir-riformi jkunu irreversibbli;

H.

billi ż-żamma ta' prospettiva Ewropea fit-tul għall-pajjiżi interessati sħab fis-SL hija katalizzatur għad-demokratizzazzjoni u għal riformi ulterjuri fil-pajjiżi tas-SL;

I.

billi jeħtieġ li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġiji ad hoc mal-pajjiżi kollha tas-SL, kif ukoll li jsir progress lejn forom aktar ambizzjużi ta' kooperazzjoni u integrazzjoni, meta jixtiequ l-pajjiżi sħab u li jiġi appoġġat u sostnut ritmu ta' implimentazzjoni ambizzjuż tar-riformi ta' integrazzjoni Ewropea;

J.

billi dan l-għan jista' jintlaħaq dment li jinkiseb progress fir-rispett tal-istat tad-dritt u fit-tisħiħ tad-demokrazija, u jiġu implimentati riformi komprensivi fil-pront, b'mod awtentiku, sostenibbli u effikaċi, bis-sostenn ta' strumenti tal-UE flessibbli u f'konformità mal-impenji u mal-obbligi internazzjonali, anki fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tal-minoranzi;

K.

billi huma apprezzati r-riżultati u t-tisħiħ tad-differenzjazzjoni fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL li magħhom iffirmat Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u issa wasal iż-żmien li lil dawn il-pajjiżi tingħatalhom gwida aktar ċara dwar il-prijoritajiet ta' riforma speċifiċi, il-kriterji ta' allinjament u l-fażijiet li jmiss tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE;

L.

billi l-għan ewlieni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs huwa li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi sħab interessati;

M.

billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi tas-SL għadhom vjolati minn kunflitti reġjonali mhux solvuti, aggressjoni esterna u mill-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji ta' wħud minn dawn il-pajjiżi, fatt li jimmina l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem, jirrappreżenta ostaklu biex jiżdiedu l-prosperità, l-istabbiltà u t-tkabbir tas-SL u jippreġudika l-azzjoni tal-UE, b'hekk jiġi kompromess il-proġett tas-SL kollu kemm hu; billi fil-maġġor parti ta' dawn il-kunflitti r-Russja qiegħda tiżvolġi rwol attiv bħala aggressur, permezz tal-gwerra ibrida, il-politika ta' annessjoni u okkupazzjoni illegali, l-attakki ċibernetiċi, il-propaganda u d-diżinformazzjoni min-naħa tagħha, li jheddu s-sigurtà Ewropea fl-intier tagħha;

N.

billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta b'mod strett mas-sitwazzjoni tal-pajjiżi ġirien, u tal-pajjiżi tas-SL b'mod partikolari; billi s-Sħubija tal-Lvant issegwi l-għanijiet komuni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u kooperazzjoni reġjonali, u r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha trawwem u ssaħħaħ il-kapaċitajiet biex tirriżolvi t-tilwim bilaterali u tistinka favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fil-viċinat tal-Lvant;

O.

billi l-Parlament Ewropew jikkundanna l-ksur tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-pajjiżi tas-SL, ma jirrikonoxxix il-modifiki furzati fil-konfini tagħhom u t-tentattivi ta' annessjoni tat-territorji tagħhom, u jirrifjuta l-użu tal-forza jew it-theddid tal-użu tal-forza, filwaqt li jikkondividi l-impenn tal-UE favur sostenn għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti bis-saħħa ta' mezzi diplomatiċi u skont in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki, partikolarment fil-kunflitti li tagħhom ir-Russja tagħmel parti;

P.

billi minn mindu nħolqot is-SL, l-UE kattret u sostniet il-preżenza tagħha f'termini politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà fil-pajjiżi tas-SL, b'hekk kisbet żieda fl-influwenza tagħha u fl-opportunitajiet biex tippromwovi l-valuri u l-prinċipji tagħha u żiedet l-interdipendenza bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL;

Q.

billi l-pajjiżi tas-SL jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti f'dak li hu aċċess dirett għall-Asja Ċentrali u jikkontribwixxu għall-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali bħala sħab affidabbli tal-Ewropa tal-Lvant;

R.

billi, bis-saħħa tas-SL, l-UE għenet biex jingħata bidu għal riformi strutturali, anki tal-istituzzjonijiet u tal-istrutturi ta' governanza, kif ukoll biex jitqiegħdu l-pedamenti għal trasformazzjoni soċjoekonomika u politika profonda fil-viċinat tal-Lvant kollu; billi sar progress fl-approssimazzjoni tal-pajjiżi tas-SL mal-qafas regolatorju tal-UE u man-normi, mal-istandards u mal-prattiki tagħha;

S.

billi s-SL bħala konsegwenza diretta kellha r-responsabbilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ż-żieda fl-aspettattivi u fid-domanda għall-obbligu ta' rendikont u għat-trasparenza min-naħa tas-soċjetà ċivili fil-konfront tal-gvernijiet tal-pajjiżi tas-SL, li wriet li hija mutur intern importanti għar-riformi; billi s-suċċess tat-trasformazzjoni fil-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari fit-tliet pajjiżi sħab assoċjati, jista' jiġġenera eżempju pożittiv għall-pajjiżi l-oħra;

T.

billi mħallfin u prosekuturi indipendenti, istituzzjonijiet u qrati liberi, soċjetà ċivili b'saħħitha u mezzi ta' informazzjoni indipendenti, ilkoll b'funzjonijiet ta' kontroll, huma elementi fundamentali li l-UE jmissha tkompli ssostni attivament fil-viċinat tal-Lvant;

U.

billi istituzzjonijiet b'saħħithom u reżiljenti, il-prevalenza tal-istat tad-dritt, l-implimentazzjoni tar-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, huma fundamentali fil-ħolqien ta' kuntest ġust, stabbli u affidabbli, li jista' mbagħad, min-naħa tiegħu, jattira u jsostni t-tkabbir u l-investimenti fit-tul fil-pajjiżi tas-SL;

V.

billi fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tas-SL, il-Kunsill Ewropew saħaq fuq l-importanza tas-sħubija strateġika mal-pajjiżi tas-SL u stieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jippreżentaw proposti strateġiċi fit-terminu twil biex iħejju għas-Summit ta' Ġunju 2020;

W.

billi l-Parlament Ewropew impenja ruħu li jadotta riżoluzzjonijiet annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs min-naħa tal-pajjiżi assoċjati u rakkomandazzjonijiet almenu semestrali dwar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi l-oħra tas-SL u dwar il-politika tas-SL fuq livell kumplessiv;

1.

Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)

jirrikonoxxu li l-pajjiżi tas-SL assumew dejjem aktar spiss iżjed responsabbiltà u sjieda fir-rigward tal-inizjattiva tas-SL; jisħqu fuq l-importanza li jsir sforz favur impetu kontinwu lejn kooperazzjoni effikaċi, djalogu intensiv u sħubija stretta fi ħdan is-SL, imsaħħaħ permezz tal-impatt trasformatur tal-politika tas-SL, li jsostni r-riformi li jiġġeneraw bidla politika, soċjali, ekonomika, ġuridika pożittiva fil-pajjiżi tas-SL, meta jitqies il-livell ta' ambizzjoni tagħhom fil-konfront tal-UE; jenfasizzaw l-isforzi tal-pajjiżi assoċjati favur relazzjoni dejjem aktar stretta mal-UE; jikkonfermaw id-dritt sovran tal-pajjiżi tas-SL li jagħżlu liberament il-livell individwali ta' kooperazzjoni jew integrazzjoni tagħhom mal-UE u li jirrespinġu kwalunkwe pressjoni esterna fuq tali għażla;

(b)

jissottolinjaw li, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, kull Stat Ewropew jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni dment li jirrispetta l-valuri ta' dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE; jirrikonoxxu li, filwaqt li l-adeżjoni mhijiex prevista fil-qafas tas-SL, il-politika tas-SL tista' tiffaċilita proċess ta' integrazzjoni gradwali fl-UE; iqisu li, għal proċess ta' adeżjoni eventwali, kemm l-UE kif ukoll il-pajjiż tas-SL ikkonċernat għandhom ikunu ppreparati sewwa, b'kont meħud tal-proċess ta' riformi futuri tal-UE u tal-approssimazzjoni tal-pajjiż sieħeb mal-acquis tal-UE, kif ukoll ir-rispett tiegħu tal-kriterji ta' adeżjoni mal-UE; jiżguraw li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet attwali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL se tikkostitwixxi l-ewwel pass f'dan il-proċess ta' integrazzjoni gradwali;

(c)

jattwaw fil-pront viżjoni strateġika u orjentata lejn il-futur għad-deċennju li jmiss tal-politika tal-SL wara l-2020, bil-għan li jiġu fornuti benefiċċji l-ewwel u qabel kollox liċ-ċittadini, tissaħħaħ ir-reżiljenza, jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli, jiġu żgurati riżultati irreversibbli u jiġi approfondit il-proċess ta' kooperazzjoni u integrazzjoni bejn l-UE u s-SL, li huwa fl-interessi tal-UE stess fl-ambitu ekonomiku u tas-sigurtà;

(d)

jiżguraw li l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Ġunju 2020 jinkludu strateġija ċara u viżjoni komuni fit-tul għal impenn u żvilupp ulterjuri tas-SL wara l-2020, it-tisħiħ tal-impenji u tal-inċentivi politiċi tal-UE kif ukoll impenn min-naħa tal-pajjiżi tas-SL li jfornu riżultati b'mod awtonomu; jinkoraġġixxu lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill tal-UE, konformement mar-riżoluzzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iħejju aġendi dettaljati u ambizzjużi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-SL, li jkunu jgħinu ħalli jissawru relazzjonijiet mal-pajjiżi tas-SL f'direzzjoni mixtieqa miż-żewġ naħat fid-deċennji li ġejjin;

(e)

jirrikonoxxu li s-SL għandha tkompli tkun qafas interessanti ta' kooperazzjoni u jsostnu dan il-proċess konformement mal-prinċipju ta' “aktar għal aktar”, bil-għan li l-pajjiżi tas-SL jibqgħu involuti fil-proċess ta' riforma u fil-perkors tagħhom lejn l-UE;

(f)

jirrikonoxxu li s-Sħubija tal-Lvant timxi f'żewġ direzzjonijiet peress li l-esperjenza tal-pajjiżi tas-SL tista' tinqasam għall-ġid reċiproku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u tal-pajjiżi tas-SL;

(g)

iżommu approċċ ibbilanċjat bejn differenzjazzjoni ad hoc fi ħdan is-SL u l-inklużjoni, il-koerenza u l-konsistenza tal-qafas multilaterali, li jibqa' punt ta' riferiment għall-pajjiżi kollha tas-SL; jevitaw li jaqsmu s-SL skont l-ambizzjonijiet differenti tal-pajjiżi fil-konfront tal-UE; iqisu li l-portata u l-profondità tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL għandhom ikunu ddeterminati mill-ambizzjonijiet tal-partijiet, kif ukoll mill-implimentazzjoni tagħhom tar-riformi; jirrikonoxxu li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/d-DCFTAs iffirmati mal-Georgia, mar-Repubblika tal-Moldova u mal-Ukrajna jixhdu approċċ differenzjat u għandhom iwasslu għal aktar tisħiħ tal-formati u tal-pjanijiet direzzjonali tar-relazzjonijiet bilaterali fuq il-bażi tal-prinċipju ta' “aktar għal aktar”;

(h)

fid-dawl ta' approċċ ad hoc, jikkunsidraw il-possibbiltà li joħolqu, għat-tliet pajjiżi assoċjati, strateġija ta' kooperazzjoni msaħħa, li tkun tista' tistabbilixxi programm ta' appoġġ għal riformi u investimenti f'oqsma bħat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-trasport, l-infrastrutturi, il-konnettività, l-enerġija, il-ġustizzja u l-ekonomija diġitali, u li f'fażi aktar tard tkun tista' tipprevedi estensjoni għall-pajjiżi tas-SL l-oħra fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet individwali tal-impenji ta' riforma tal-UE u tal-progress li jkun sar, b'kont meħud tal-bżonn li tiġi sostnuta l-koerenza tas-SL u konformement mal-prinċipju ta' inklużjoni; dan id-djalogu jkun jista' jinkludi laqgħat fil-marġini tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-pajjiżi assoċjati fuq bażi strutturata, u parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tagħhom fil-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma u tal-kumitati tal-Kunsill Ewropew;

(i)

jagħtu bidu għal proċess biex jinħoloq spazju ekonomiku komuni li jwassal għall-integrazzjoni mal-erba' libertajiet u li jkun jiffaċilita integrazzjoni u konverġenza ekonomiċi aktar profondi tal-pajjiżi tas-SL mal-politiki tal-UE u kooperazzjoni ekonomika aktar profonda fost il-pajjiżi tas-SL innifishom billi jsegwu l-perkors li għamlu l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

(j)

ivaraw miżuri addizzjonali favur integrazzjoni aktar profonda u aktar kooperazzjoni settorjali tal-pajjiżi tas-SL mal-UE u għall-parteċipazzjoni tagħhom f'ċerti aġenziji tal-UE, fi pjattaformi relatati mal-qafas għall-investimenti u fi programmi u inizjattivi intra-UE, fir-rispett sħiħ tal-kundizzjonalitajiet eżistenti u f'konformità mal-approċċ tal-UE bbażat fuq l-inċentivi, bil-għan li tinkiseb aktar konverġenza fl-ispirtu tal-prinċipju ta' “aktar għal aktar” u b'kont meħud tal-aħjar prattiki għas-sostenn tar-riformi;

(k)

ifornu lill-pajjiżi tas-SL assistenza teknika akbar, u jagħmluha suġġetta għal kundizzjonijiet, anki fil-kuntest tan-negozjati leġiżlattivi li għaddejjin dwar l-istrumenti finanzjarji esterni għall-perjodu 2021-2027; jiżguraw li tali assistenza għandha tkun adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi individwali tas-SL taħt il-gwida tal-Parlament Ewropew permezz ta' atti delegati, u użata biex jiġu implimentati l-attivitajiet previsti fil-qafas tal-programm tas-SL; jirrikonoxxu l-fatt li l-assistenza finanzjarja tal-UE hija wkoll investiment fil-futur, billi ssostni r-riformi li jżidu l-istabbiltà ekonomika u soċjali tal-pajjiżi tas-SL u titfa' s-sisien għal kooperazzjoni futura ta' suċċess;

(l)

jirrikonoxxu l-bżonn ta' qafas ta' sostenn politiku, amministrattiv u finanzjarju addizzjonali għat-tliet pajjiżi assoċjati fi ħdan is-SL kumplessiva, abbażi ta' approċċi individwali, li jindirizza r-riformi strutturali speċifiċi tagħhom, il-modernizzazzjoni tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom f'termini ta' żvilupp tal-istituzzjonijiet; josservaw li dan l-aċċess għall-finanzjamenti tal-UE għandu jkun marbut mal-impenji ta' riforma u għandu jinkludi ġabra ta' parametri ta' riferiment ambizzjużi;

(m)

jiffavorixxu l-imperattiv tal-prinċipju ta' “aktar għal aktar” demokrazija u stat tad-dritt fid-dawl tal-iżviluppi reċenti kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tas-SL, u jiżguraw li l-funzjonament u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-nepotiżmu, il-libertà tal-mezzi ta' informazzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu l-kriterji u l-kundizzjonijiet ewlenin għal sħubija politika aktar stretta u għall-assistenza finanzjarja;

(n)

jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt regolari tal-programmi ta' sostenn tal-UE biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom u jiġu applikati adattamenti f'waqthom; jirreaġixxu aktar malajr għad-deterjorament tal-istat tad-dritt u tar-responsabbiltà demokratika fil-pajjiżi tas-SL u japplikaw kundizzjonalità intelliġenti, anki billi l-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja jkun marbut mad-demokratizzazzjoni u mar-riformi, biex ikun evitat aktar rigress min-naħa tal-gvernijiet sħab; joħolqu l-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiċċaqalqu l-assistenza f'pajjiż partikolari tas-SL mill-awtoritajiet ċentrali, jekk ma jirrispettawx l-impenji, lejn awtoritajiet lokali jew atturi tas-soċjetà ċivili;

(o)

isaħħu r-rwol tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju u fil-monitoraġġ tal-programmi permezz ta' atti delegati, fl-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE;

(p)

isaħħu d-diplomazija parlamentari u jirrieżaminaw il-funzjonament ta' Euronest, bil-għan li jippermettulha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha;

Djalogu strutturat, bini tal-Istat u responsabbiltà demokratika

(q)

jirrikonoxxu, huma u jżommu n-natura inklużiva tas-Sħubija u jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi kollha tas-SL, l-istatus ta' sħubija assoċjata tal-pajjiżi avvanzati tas-SL, b'mod partikolari l-firmatarji tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni b'DCFTAs, u jistabbilixxu magħhom aktar sedi ta' djalogu politiku msaħħaħ għall-promozzjoni ta' aktar integrazzjoni ekonomika u armonizzazzjoni leġiżlattiva; jinkludu, pereżempju, lill-pajjiżi assoċjati bħala osservaturi fix-xogħlijiet tal-kumitati stabbiliti skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011, biex jintwera l-impenn tal-UE favur aktar integrazzjoni u biex jissaħħu l-orjentament għar-riformi u l-kompetenzi amministrattivi tal-pajjiżi;

(r)

jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi tas-SL fl-assistenza ulterjuri fil-bini tal-Istat u fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tar-responsabbiltà tagħhom billi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi tas-SL strumenti simili għall-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna, u l-prijorità tingħata lis-sħab assoċjati; jiżviluppaw l-istrumenti eżistenti u dawk ġodda tal-UE fil-qasam tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba biex isiru monitoraġġ u valutazzjoni tal-progress min-naħa tas-sħab assoċjati, b'mod partikolari t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u l-Mekkaniżmu għall-Istat tad-Dritt; ifornu gwida u parametri ta' riferiment effikaċi għar-riformi, anki bl-adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali li jispeċifikaw l-impenji ta' assoċjazzjoni; ifasslu dokumenti ta' ħidma dettaljati b'metodoloġija ċara u perspettiva komparata, fuq il-mudell tal-eżempju tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u tal-proċess ta' adeżjoni biex jiġu integrati r-Rapporti ta' Progress u l-Aġendi ta' Assoċjazzjoni attwali;

(s)

jinkludu l-monitoraġġ multilaterali fil-proċess ta' valutazzjoni tar-riformi fil-pajjiżi tas-SL u, skont il-prassi diġà użata fl-Ukrajna, jagħmluh obbligatorju għall-gvernijiet tas-SL; jiżguraw it-tkomplija tar-Rapporti annwali ta' Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u tas-SEAE dwar il-progress li għamlu t-tliet sħab assoċjati u japplikaw metodoloġija ta' evalwazzjoni unifikata, b'mod partikolari fl-analiżi tar-riformi fl-istess oqsma u setturi; joħorġu rapporti perjodiċi, tal-anqas darbtejn fis-sena, dwar ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi mhux assoċjati tas-SL; ifornu rapport ta' implimentazzjoni dwar il-ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tas-SL, b'enfasi fuq l-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku fis-soċjetajiet tal-pajjiżi tas-SL, anki fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;

(t)

jirrikonoxxu li istituzzjonijiet b'saħħithom, indipendenti u effiċjenti f'livell ċentrali u lokali huma essenzjali għar-responsabbiltà demokratika, għad-deoligarkizzazzjoni u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat; jitolbu, għaldaqstant, impenn imġedded min-naħa tal-pajjiżi tas-SL biex jattwaw riformi komprensivi tas-sistema ġudizzjarja u tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan li jiżguraw l-indipendenza u r-reklutaġġ meritokratiku tal-imħallfin u tal-uffiċjali pubbliċi, kif ukoll jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fost mezzi oħra, billi jonqos l-ispazju għall-korruzzjoni bis-saħħa ta' żieda fit-trasparenza, fir-responsabbiltà u fil-promozzjoni ta' mġiba nadifa fost iċ-ċittadini inġenerali, billi jissaħħaħ l-istat tad-dritt u tiġi promossa l-governanza tajba; jirrikonoxxu li mingħajr ma jintlaħqu l-għanijiet hawn fuq imsemmija huwa prattikament impossibbli li jintlaħqu tkabbir sostenibbli, tiżdied l-attività u l-iżvilupp ekonomiċi, jonqos il-faqar, jiżdied l-investiment dirett barrani (IDB) u jiżdiedu l-fiduċja soċjetali u l-istabbiltà politika;

(u)

ikomplu fi spettru usa' r-riformi ġuridiċi u ekonomiċi bit-trasferiment ta' esperjenzi mill-Istati Membri tal-UE permezz ta' proġetti ta' ġemellaġġ, b'mod partikolari billi l-programm ta' ġemellaġġ jiġi estiż għall-gvernijiet lokali u reġjonali;

(v)

jiżviluppaw amministrazzjoni pubblika Ewropea ta' kwalità fil-pajjiżi assoċjati tas-SL billi jinbdew skemi ta' osservazzjoni f'sitwazzjoni ta' xogħol (job-shadowing) li joffru lill-uffiċjali pubbliċi tal-pajjiżi tas-SL kollokament temporanju fis-servizzi rilevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri f'setturi speċifiċi;

(w)

jinkoraġġixxu x-xogħol tal-fondazzjonijiet politiċi biex irawmu il-ġenerazzjoni tal-mexxejja politiċi li jmiss fil-pajjiżi tas-SL;

(x)

jirrikonoxxu l-inizjattivi tal-gvernijiet tal-pajjiżi assoċjati biex iqawwu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom u l-pożizzjoni konġunta mas-SL, u jinkoraġġixxu l-espansjoni tagħhom fil-livell multisettorjali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, l-affarijiet diġitali, iċ-ċibersigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, l-ekonomija marittima, il-kontrolli tal-fruntieri, il-kooperazzjoni doganali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ kif ukoll il-ġustizzja u l-affarijiet interni; approċċ simili għandu jkun applikat lill-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tas-SL dwar kwistjonijiet varji;

(y)

jippromwovu l-kummerċ intrareġjonali bejn il-pajjiżi tas-SL, peress li żieda fil-kummerċ ma' aktar sħab tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reżiljenza tal-pajjiżi u tal-ekonomiji tagħhom; jinkoraġġixxu involviment akbar tal-pajjiżi tas-SL fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE u ta' djalogu ta' kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera effiċjenti, bil-għan li jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali tas-sħab u jiġi aġevolat l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom;

(z)

iħeġġu riformi elettorali ħalli jiġu żgurati elezzjonijiet liberi, regolari, kompetittivi u trasparenti u jinkoraġġixxu l-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali, partikolarment fl-adozzjoni ta' emendi leġiżlattivi lil-liġijiet elettorali u lill-finanzjament tal-partiti, mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; iħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL jiżguraw il-projbizzjoni tal-vessazzjonijiet, fil-livell ġudizzjarju, fiżiku jew istituzzjonali fil-konfront tal-atturi politiċi mhux allinjati mal-gvern fil-kariga, u jħarsu l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, inkluż id-dritt ta' dimostrazzjoni paċifika; ifaħħar lill-Istati tas-SL li qablu dwar l-implimentazzjoni ta' riformi politiċi finalizzati għad-demokratizzazzjoni u jsostnu t-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv elettorali permezz ta' djalogi politiċi inklużivi;

(aa)

jiżguraw li, matul il-proċess tal-emendi tal-leġiżlazzjoni elettorali, il-pajjiżi tas-SL joħolqu opportunitajiet indaqs għar-rappreżentanza tal-minoranzi etniċi u nazzjonali kollha;

(ab)

jiżguraw li jsiru missjonijiet Ewropej ta' osservazzjoni elettorali fil-pajjiżi tas-SL bil-għan li jiġu sostnuti l-proċess ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-proċessi elettorali u r-responsabbiltà demokratika;

(ac)

jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-indħil minn terzi fil-proċessi politiċi u elettorali u fil-proċessi demokratiċi l-oħra tal-Istati tas-SL, intiżi li jinfluwenzaw elezzjoni favur kandidat jew partit jew li jimminaw il-fiduċja fis-sistema demokratika, b'mod partikolari permezz tad-diżinformazzjoni, il-finanzjament politiku illeċitu, l-attakki ċibernetiċi fuq atturi politiċi jew tal-mezzi tal-informazzjoni, jew kwalunkwe mezz illegali ieħor;

(ad)

jadottaw mekkaniżmu ta' sanzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE jew “Liġi Magnitsky” tal-UE, applikabbli lill-individwi jew lill-entitajiet li jkunu kisru d-drittijiet tal-bniedem jew libertajiet fundamentali, b'mod partikolari billi jkunu ħadu sehem f'arresti, ħtif jew swat tal-ġurnalisti u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni u fir-repressjoni vjolenti tal-protesti paċifiċi, kif ukoll dawk involuti fil-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli fil-pajjiżi tas-SL;

Kooperazzjoni settorjali lejn spazju ekonomiku komuni

(ae)

jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni kontinwa u effikaċi tad-DCFTAs bil-għan li jinħolqu gradwalment il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tas-suq uniku tal-UE; jikkunsidraw li joħolqu mekkaniżmu speċjali ta' approssimazzjoni ġuridika maħsub biex jgħin lis-sħab assoċjati fl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom mal-acquis tal-UE u biex jgħinhom fl-isforzi tagħhom ħalli jimplimentawh; jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni tad-DCFTAs ħalliet diversi riżultati pożittivi, għad li fadal xi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati adegwatament;

(af)

jinnutaw l-importanza li jkunu approfonditi l-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni tas-swieq mal-pajjiżi tas-SL permezz ta' ftuħ gradwali tas-suq uniku tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni tad-DCFTAs, u r-rispett tar-regolamenti u tal-istandards ġuridiċi, ekonomiċi u tekniċi, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni;

(ag)

jimmiraw li jeżaminaw u jiggarantixxu l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni settorjali gradwalment differenzjata tal-pajjiżi tas-SL eliġibbli u interessati, partikolarment, fl-Unjoni tal-Enerġija, fil-Komunità tat-Trasport u fis-Suq Uniku Diġitali; jikkonċentraw fuq it-telekomunikazzjonijiet u jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' reġim ta' eżenzjoni tat-tariffi tar-roaming bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL u reġim ieħor bħalu fost il-pajjiżi tas-SL, mill-aktar fis possibbli; joħolqu servizzi fiduċjarji, inklużi kapaċitajiet informatiċi maħsuba li jipproteġu l-infrastruttura kritika u d-data personali, u jilħqu kooperazzjoni akbar fil-qasam doganali u tas-servizzi bankarji u finanzjarji, li tkun tgħin lill-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u ssaħħaħ is-sorveljanza finanzjarja, u twassal, potenzjalment, għall-espansjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-pajjiżi tas-SL;

(ah)

jintroduċu strumenti bħall-iscreening ġuridiku u pjanijiet direzzjonali settorjali għad-determinazzjoni tal-preparazzjoni tal-pajjiżi tas-SL biex jikkonformaw mal-acquis tal-UE u jikkonfermaw il-preparazzjoni tagħhom għal integrazzjoni settorjali differenzjata;

(ai)

jippromwovu l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi, kemm kummerċjali kif ukoll pubbliċi, u tal-ekonomija elettronika, kif ukoll ta' firxa wiesgħa ta' kapaċitajiet ta' telexogħol, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza u r-reżistenza f'każ ta' kriżi, kif sperimentat fil-pandemiji;

(aj)

jiżguraw l-involviment qawwi tal-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-kontribut tagħhom fiha, anki permezz tal-parteċipazzjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew il-ġdid u billi jiġi żgurat li d-DCFTAs ma jkunux f'kuntrast mal-objettivi u mal-inizjattivi fil-qasam tal-klima stabbilit fih; tali involviment għandu jsir bis-saħħa tas-sostenn għall-investimenti tal-UE, inkluż mill-BERŻ u mill-BEI, u għandu jkun subordinat għal valutazzjoni soda tal-impatt ambjentali u tal-effetti fuq il-komunitajiet lokali, b'enfasi partikolari fuq is-setturi li jafu jisfaw milquta u jkollhom bżonn aktar sostenn;

(ak)

jiżguraw li azzjonijiet u finanzjamenti adegwati jkunu ddedikati biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma mormi f'konformità mal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi sħab u jittejbu s-sigurtà u l-interkonnettività tal-enerġija, b'mod partikolari l-fluss fid-direzzjoni opposta tal-gass, l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-Ażerbajġan fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE, kif ukoll is-suċċess tal-Ukrajna fid-diżaggregazzjoni tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass, u jappoġġaw l-isforzi għall-indipendenza enerġetika u għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija f'pajjiżi oħra tas-SL; jinkoraġġixxu lill-pajjiżi tas-SL ilestu r-riformi tagħhom fis-settur tal-enerġija f'konformità mad-dritt tal-UE, inkluż dwar il-politika ambjentali u ta' sikurezza;

(al)

jipprovdu appoġġ kontinwu għall-adattament tas-sistema tal-ġestjoni tal-iskart solidu tal-pajjiżi tas-SL mal-istandards tal-UE, billi jistabbilixxu objettivi ta' riċiklaġġ u sistemi ta' riċiklaġġ biex jintlaħqu l-objettivi; jindirizzaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika ta' faċilitajiet tal-iskart solidu skaduti u mhux awtorizzati; jidentifikaw l-istrumenti finanzjarji li jappoġġaw il-finanzjament ta' proġetti tal-ġestjoni tal-iskart mill-UE u minn fondi nazzjonali/lokali;

(am)

jiżguraw li l-installazzjonijiet nukleari eżistenti u ġodda fil-pajjiżi tas-SL huma konformi mal-ogħla standards ambjentali u tas-sikurezza nukleari, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali; jiżguraw li proġetti tal-enerġija mhux sikuri bħall-impjant nukleari ta' Ostrovets mhumiex se jagħmlu parti min-network Ewropew tal-elettriku;

(an)

jadottaw pjan komprensiv għall-bini tal-infrastrutturi, inklużi l-punti ta'qsim tal-fruntieri, u jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-proġetti prijoritarji kif identifikat fil-Pjanijiet Indikattivi tat-TEN-T u fi Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Investimenti oħrajn, bil-għan li jittejbu l-konnettività tal-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u dak diġitali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u fost il-pajjiżi tas-SL stess, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali matul il-proċess ta' implimentazzjoni; jinkoraġġixxu l-konverġenza regolatorja fis-settur tat-trasport;

(ao)

iħeġġu lill-pajjiżi tas-SL, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti minn Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u mill-Pjan ta' Azzjoni għall-Investimenti; jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal ta' konnettività tal-Baħar l-Iswed u jingħata appoġġ lill-proġetti infrastrutturali, li huma importanti ferm biex tiżdied il-konnettività mar-reġjun u mal-Asja Ċentrali; jirrikonoxxu, f'dan ir-rigward, il-pożizzjoni ġeografika strateġika tal-pajjiżi tas-SL bħala ħolqa bejn l-Unjoni Ewropea, l-Asja u l-viċinat akbar, li tista' ġġib valur miżjud għall-impenji tal-politika barranija tal-UE;

(ap)

jimplimentaw l-Istrateġija ambizzjuża tal-UE għall-Asja Ċentrali bl-involviment attiv tal-pajjiżi tas-SL bħala sħab affidabbli li jgawdu minn aċċess dirett għal dan ir-reġjun;

(aq)

jiżguraw li l-QFP jikkonferma l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-proġetti infrastrutturali u ta' investiment tal-pajjiżi tas-SL, billi tiżdied ir-reżiljenza tagħhom għat-theddid ċibernetiku u jitjiebu u jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi tagħhom; jieħdu miżuri attivi biex itejbu l-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi tas-SL; japplikaw l-esperjenza tal-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent biex tiġi attirata u kkoordinata assistenza finanzjarja u teknika u biex tiżdied l-effiċjenza tal-proġetti infrastrutturali;

(ar)

jagħtu prijorità lill-ħtieġa ta' investimenti sostenibbli u kredibbli fil-pajjiżi tas-SL billi titfassal strateġija għal impenn fit-tul, li tiffoka mhux biss fuq l-istabbilizzazzjoni iżda wkoll fuq id-demokratizzazzjoni;

(as)

jestendu għal sħab assoċjati oħra l-approċċ użat mill-UE fl-isforzi tagħha biex tappoġġa l-irkupru tal-ekonomija tal-Ukrajna, inkluż permezz ta' assistenza u strumenti makrofinanzjarji flessibbli u ad hoc kif ukoll l-involviment u l-koordinament ta' istituzzjonijiet finanzjarji u donaturi internazzjonali, u billi jittejjeb il-kuntest għall-investiment dirett barrani (IDB), filwaqt li jitqiesu d-drittijiet soċjali, ambjentali u tax-xogħol; jagħmlu l-promozzjoni tal-IDB mill-UE aspett fundamentali tal-politika tas-SL u jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għal dan il-għan, bl-iskop li jittejjeb aktar l-ambjent tan-negozju u tiġi garantita ċ-ċertezza tad-dritt;

(at)

jappoġġaw diversifikazzjoni u kompetittività akbar tal-ekonomiji tal-pajjiżi tas-SL, permezz ta' appoġġ imsaħħaħ għall-SMEs kif ukoll demonopolizzazzjoni, deoligarkizzazzjoni u privatizzazzjoni, billi jsaħħu u jwessgħu l-ambitu, il-kopertura ġeografika u r-rilevanza għall-ħtiġijiet ta' programmi tad-destinatarji bħall-EU4Business; isellfu, b'mod partikolari, lill-SMEs f'muniti lokali, jiżviluppaw inizjattivi ġodda mfassla biex jattiraw il-kapital ta' riskju fil-pajjiżi tas-SL, u jipprovdu appoġġ kontinwu għall-iżvilupp ta' industriji li huma orjentati lejn l-esportazzjoni;

(au)

jindirizzaw id-distakk rurali-urban fil-pajjiżi tas-SL permezz ta' inċentivi finanzjarji u tekniċi effikaċi għal mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), bdiewa fuq skala żgħira u intrapriżi tal-familja f'żoni rurali u suburbani, u permezz tat-titjib tal-konnettività tal-bniedem u tal-infrastruttura bejn il-bliet u l-kampanja bil-ħsieb li titrawwem il-koeżjoni soċjali;

Spinta lill-kapital uman

(av)

jagħtu appoġġ favur aktar mobilità tal-ħaddiema bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll fost il-pajjiżi tas-SL, b'enfasi qawwija fuq il-legalità u s-sostenibbiltà tal-proċess, filwaqt li jippermettu l-iskambju ta' ħiliet u esperjenza u jevitaw l-eżodu ta' mħuħ u l-iskasezza ta' ħaddiema lokali; jagħmlu rendikont komplet, f'dan ir-rigward, tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' reġimi ta' eżenzjoni mill-viża mat-tliet pajjiżi assoċjati;

(aw)

iqisu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi tas-SL minħabba l-eżodu ta' mħuħ u jindirizzawhom billi jippromwovu edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità, taħriġ vokazzjonali u programmi oħra ta' taħriġ, u billi joħolqu opportunitajiet ta' xogħol bil-ħsieb li jiġu offruti prospettivi soċjoekonomiċi għaż-żgħażagħ u għall-familji fil-komunitajiet lokali tagħhom;

(ax)

jindirizzaw l-effetti tad-depopolament u tal-migrazzjoni fil-pajjiżi tas-SL billi jinvolvuhom fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

(ay)

jappoġġaw u jniedu pjanijiet ta' azzjoni bbażati fuq il-pajjiż biex jiġġieldu l-qgħad u jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali; jinvestu fiż-żgħażagħ, irawmu l-intraprenditorija u joħolqu programmi u inċentivi ġodda għall-professjonisti żgħażagħ biex dawn jirritornaw lejn is-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi tas-SL;

(az)

iħeġġu lill-pajjiżi tas-SL iwettqu riformi komprensivi tal-politika dwar ix-xogħol sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema; jiżviluppaw pjan ta' azzjoni biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, jappoġġaw il-ħolqien ta' trade unions veri u proprji, u jitolbu t-traspożizzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO fid-dritt nazzjonali ul-implimentazzjoni tagħhom;

(ba)

jindirizzaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-impenji fir-rigward tal-politiki soċjali u d-drittijiet tax-xogħol u jipproteġu s-suq tax-xogħol tal-UE minn dumping soċjali; jikkontrollaw mhux biss it-traspożizzjoni tad-direttivi u n-normi rilevanti tal-UE fid-dritt nazzjonali, iżda wkoll l-implimentazzjoni reali tagħhom; joħolqu, flimkien mal-pajjiżi tas-SL, skema ta' monitoraġġ għad-drittijiet fundamentali tax-xogħol li tinvolvi t-trade unions u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jużaw l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja bħala lieva jew kundizzjonalità biex iġiegħlu lill-pajjiżi tas-SL itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

(bb)

jappoġġaw riformi edukattivi f'dawk il-pajjiżi tas-SL interessati, billi dan huwa kruċjali għall-futur tagħhom, bil-għan li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet bejn ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u d-domanda tas-suq tax-xogħol, u jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali, fost miżuri oħra; jirrikonoxxu l-importanza tal-mobilità transfruntiera fit-tisħiħ tal-kuntatti interpersonali, jespandu l-finanzjament favur programmi edukattivi u professjonali li jtejbu l-ħiliet u programmi ta' skambju bħal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, kif ukoll iwessgħu l-parteċipazzjoni f'tali programmi u jsaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi tas-SL li jipparteċipaw f'Orizzont Ewropa;

(bc)

isaħħu l-kooperazzjoni akkademika u edukattiva fost l-UE u l-pajjiżi tas-SL, inkluża l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL, billi: (i) iniedu programm reġjonali li jappoġġa ċentri ta' eċċellenza akkademika u ta' riċerka fir-reġjun; (ii) jistabbilixxu l-Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna; (iii) joħolqu programmi mmirati għas-Sħab tal-Lvant f'universitajiet speċjalizzati u pjattaforma edukattiva elettronika għal korsijiet ta' taħriġ online ffukati fuq il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-amministrazzjoni pubblika u l-qerda tal-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-SL; u (iv) jipprovdu sede għal taħriġ konġunt għall-uffiċjali pubbliċi tal-pajjiżi tas-SL, inkluż fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

(bd)

iniedu proġett pilota mmirat li joħloq Ċentru għax-Xjenza Miftuħa u l-Innovazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, network ta' ċentri tematiċi ta' kompetenza li jinsabu f'kull pajjiż tas-SL biex jipprovdu appoġġ u servizzi ta' riċerka u innovazzjoni;

(be)

jiżguraw li l-programmi kollha ta' appoġġ tal-UE jinkludu dimensjoni konsistenti f'termini ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw u jimmiraw lejn l-aktar gruppi żvantaġġati u vulnerabbli fis-soċjetà, inklużi minoranzi etniċi u ta' tip ieħor, bħar-Rom, ir-rifuġjati u l-persuni spostati internament li ġejjin minn żoni għaddejjin minn kunflitti vjolenti; isaħħu l-inizjattivi għall-emanċipazzjoni politika u soċjoekonomika ta' dawk il-gruppi u jtejbu l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni deċenti;

(bf)

jiżguraw li l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fil-partijiet imbiegħda tal-pajjiżi tas-SL, b'mod partikolari ż-żoni rurali, sabiex jippermettu lill-abitanti jinsistu fuq bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk li huma aktar vulnerabbli għas-sentimenti post-Sovjetiċi u għall-manipulazzjoni Russa;

(bg)

jinsistu b'mod qawwi fuq in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-persuni LGBTI+ kollha, il-protezzjoni tagħhom kontra d-diskriminazzjoni fil-liġi u l-prosekuzzjoni tal-atti kollha ta' abbuż, diskors ta' mibegħda u vjolenza fiżika mwettqa kontrihom; jirrikonoxxu l-pajjiżi assoċjati tas-SL li allinjaw il-qafas ġuridiku tagħhom kif xieraq;

(bh)

jappoġġaw il-libertà ta' twemmin, ta' opinjoni u ta' espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni fil-lingwa nattiva taċ-ċittadini kollha; jikkundannaw u jikkontrobattu d-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-etnija jew il-lingwa, kif ukoll aħbarijiet foloz u informazzjoni żbaljata li għandhom fil-mira tagħhom il-minoranzi etniċi u nazzjonali;

(bi)

jiżguraw id-dritt fundamentali tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin billi jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-komponenti reliġjużi kollha preżenti fir-reġjun, abbażi tal-kunċett ta' ċittadinanza sħiħa u ugwali;

(bj)

isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-knejjes u mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet reliġjużi f'oqsma bħalma huma l-konsolidament tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'hekk isaħħu l-fiduċja f'soċjetà ġusta u ħielsa, kif ukoll fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fis-servizzi soċjali bażiċi;

Sigurtà, stabbiltà, integrità territorjali u riżoluzzjoni tal-kunflitti

(bk)

jirrikonoxxu li permezz tal-investiment politiku, kulturali u ekonomiku tagħha fil-pajjiżi tas-SL, l-UE tinvesti fis-sigurtà u fl-istabbiltà tar-reġjun;

(bl)

jirrikonoxxu aktar interdipendenza fil-qasam tas-sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll l-importanza tas-sigurtà, l-istabbiltà u l-paċi għall-iżvilupp futur tal-pajjiżi tas-SL, meta jitqies li f'dawn l-aħħar snin kienu soġġetti għall-interess u l-ambizzjoni ta' pajjiżi terzi, bħaċ-Ċina, it-Turkija jew xi Stati tal-Golf, li mhux dejjem għandhom l-istess valuri u interessi tal-UE; iqawwu, għaldaqstant, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u s-SL billi jagħtu attenzjoni partikolari għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali u għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' tipi ġodda ta' sfidi, bħat-theddid ibridu, l-attakki ċibernetiċi, inkluż l-indħil informatiku fl-elezzjonijiet, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda, u l-indħil minn terzi fil-proċessi politiċi u elettorali u fi proċessi demokratiċi oħra; isaħħu l-kooperazzjoni u l-appoġġ fir-rigward tar-reżiljenza tal-pajjiżi tas-SL kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata b'mod ġenerali, u jenfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-individwi, tal-komunitajiet u tal-istituzzjonijiet tal-istat;

(bm)

itennu l-impenn tal-UE favur is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-pajjiżi tas-SL fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw bis-sħiħ dawk il-prinċipji; jissottolinjaw l-importanza tal-unità u s-solidarjetà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;

(bn)

jikkundannaw bil-qawwa l-ksur kontinwu tal-prinċipji u tan-normi fundamentali tad-dritt internazzjonali fir-reġjun tas-SL, notevolment id-destabbilizzazzjoni, l-invażjoni, l-okkupazzjoni u l-annessjoni ta' territorji ta' diversi pajjiżi tas-SL min-naħa tal-Federazzjoni Russa u r-rifjut tagħha li tirrispetta d-deċiżjonijiet tat-tribunali u tal-qrati internazzjonali; jistabbilixxu politika aktar ikkoordinata fil-konfront tal-Federazzjoni Russa fost l-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari f'termini ta' involviment fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-pajjiżi tas-SL;

(bo)

jappellaw għall-irtirar immedjat tat-truppi barranin mit-territorji okkupati kollha u għat-tmiem tal-ostilitajiet militari, li jaħsdu, b'mod mhux meħtieġ, il-ħajjiet ta' ċivili u suldati filwaqt li jostakolaw l-iżvilupp soċjoekonomiku, u b'hekk jippermettu li mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament (IDPs) jirritornaw lejn pajjiżhom;

(bp)

jiżviluppaw rwol aktar attiv għall-UE, irrappreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa u fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt futur fil-viċinat tal-Lvant tagħha, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-formati u l-proċessi ta' negozjar maqbula, bħad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, il-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, il-Format tan-Normandija u t-Taħditiet tal-5 + 2; jaħtru Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Krimea u r-reġjun tad-Donbas;

(bq)

ikomplu jippromwovu kuntest favorevoli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jappoġġaw attivitajiet li jippromwovu l-fiduċja u l-kuntatti interpersonali fost il-komunitajiet diviżi mill-kunflitti; jagħtu prijorità lill-isforzi u jespandu l-finanzjamenti għall-konsolidament preventiv tal-paċi, inkluża d-diplomazija preventiva, kif ukoll mekkaniżmi ta' twissija u intervent bikrin;

(br)

jerġgħu jikkonfermaw l-appoġġ għall-isforzi tal-kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jissolva l-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh u għall-Prinċipji Bażiċi 2009 tagħhom, bil-għan li tinkiseb soluzzjoni bbażata fuq in-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Helsinki tal-OSKE tal-1975; jinkoraġġixxu lill-partijiet kollha jintensifikaw id-djalogu u jastjenu ruħhom minn retorika xewwiexa li tista' tipperikola aktar il-prospettivi għal soluzzjoni;

(bs)

jieħdu azzjonijiet li jiżguraw attivitajiet effikaċi u l-eżekuzzjoni ta' mandat sħiħ għall-missjonijiet eżistenti tal-UE fir-reġjun tas-SL, inkluż il-koordinament tal-attivitajiet tagħhom: il-missjoni tal-UE ta' Monitoraġġ fil-Georgia, il-Missjoni tal-UE ta' Konsulenza fl-Ukrajna, il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna, u l-missjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia;

(bt)

iqisu t-talbiet li saru mill-Gvern tal-Ukrajna għal forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi estiża li tkun stazzjonata tul il-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja u fid-distretti ta' Luhansk u Donetsk; ladarba s-sitwazzjoni tkun tipppermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, għandha tiġi offruta missjoni tal-PSDK immexxija mill-UE biex tintbagħat lill-partijiet fil-kunflitt, ħalli tgħin f'kompiti bħat-tneħħija tal-mini u t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet lokali u tiżgura l-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja;

(bu)

jappoġġaw il-libertà ta' navigazzjoni u jopponu bil-qawwa l-imblokk tal-Baħar ta' Azov u l-annessjoni kontinwa u insidjuża tal-Baħar l-Iswed min-naħa tal-Federazzjoni Russa;

(bv)

jirrikonoxxu l-esperjenza unika u l-għarfien espert tal-pajjiżi tas-SL; jirrikonoxxu l-kontribut tal-pajjiżi tas-SL għall-missjonijiet, il-gruppi tattiċi u l-operazzjonijiet ta' politika ta' sigurtà u difiża komuni (PSDK); ikomplu jappoġġaw ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS); japprofondixxu l-kooperazzjoni fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE, inkluża l-parteċipazzjoni fil-PESCO ladarba tiġi riżolta l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi;

(bw)

jirrikonoxxu li ċ-ċibersigurtà hija wieħed mill-oqsma li fih l-UE u l-pajjiżi tas-SL jistgħu jaħdmu flimkien b'mod aktar effikaċi u li l-UE tista' tislet vantaġġ mill-esperjenza tal-pajjiżi tas-SL fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu jew iċ-ċibersigurtà; jistabbilixxu djalogu elettroniku formali mal-pajjiżi interessati tas-SL u jippromwovu pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun tas-SL biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu b'mod aktar effikaċi bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk il-pajjiżi, speċjalment wara l-attakk ċibernetiku fuq skala kbira tal-Federazzjoni Russa kontra l-Georgia f'Ottubru 2019;

(bx)

jikkundannaw l-influwenza tal-pajjiżi terzi biex jimminaw l-ordni demokratiku tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll jinfluwenzaw l-elezzjonijiet, ixerrdu d-diżinformazzjoni u jagħmlu kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati;

(by)

isaħħu l-kooperazzjoni fil-bini tar-reżiljenza soċjetali u istituzzjonali tal-pajjiżi tas-SL b'enfasi aktar b'saħħitha fuq il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda, il-manipulazzjoni u l-influwenza ostili mwettqa minn forzi esterni li għandhom l-għan li jifirdu u jiddistabbilizzaw il-pajjiżi tas-SL, kif ukoll jimminaw l-integrità tal-proċessi politiċi tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jassistu lill-pajjiżi interessati tas-SL fl-attivitajiet imwettqa fil-livell tal-UE biex jindirizzaw l-ostilitajiet imsemmija hawn fuq, inkluż l-implimentazzjoni ta' prattiki u soluzzjonijiet tajbin, bħall-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni u l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, u bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru ta' Eċċellenza Ewropew ta' Helsinki għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu, iċ-Ċentru ta' Eċċellenza StratCom tan-NATO f'Riga u t-Task Force tal-UE East StratCom;

(bz)

jippromwovu l-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi assoċjati, u jmexxu 'l quddiem il-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi;

(ca)

jilqgħu b'sodisfazzjoni iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL bil-għan li tiġi promossa l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE, u jipproponu forom ġodda ta' kooperazzjoni volontarja fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, billi din titqies bħala qasam ta' ambizzjoni fil-futur hekk kif l-UE qed timmira li gradwalment toħloq l-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

(cb)

jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) kif ukoll il-kooperazzjoni industrijali fl-iżvilupp tal-armamenti u tat-teknoloġiji u kapaċitajiet militari fost l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL;

(cc)

jirrikonoxxu li kwalunkwe nuqqas ta' preżenza tal-UE jew nuqqas ta' azzjoni fil-konfront tas-sħab tagħha tas-SL jħalli spazju għall-intervent ta' atturi globali oħra; iżidu l-kooperazzjoni jew joħolqu forum ta' alleati demokratiċi u atturi internazzjonali tal-istess fehma biex tittaffa u tiġi miġġielda l-influwenza negattiva tal-potenzi terzi fir-reġjun tas-SL;

L-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili

(cd)

jirrikonoxxu l-kontribut tal-atturi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-SL għall-proċessi ta' demokratizzazzjoni u riforma fil-pajjiżi tagħhom u fir-reġjun kollu tas-SL, u jappellaw għal aktar ftuħ u impenn lejhom mill-gvernijiet tal-pajjiżi tas-SL, u b'mod partikolari involviment aktar sinifikanti u effikaċi fil-proċessi tat-tfassil tal-politiki;

(ce)

ikomplu djalogu wiesa' mal-atturi tas-soċjetà ċivili tas-SL u jsaħħu l-appoġġ tal-UE għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili orjentati lejn id-demokrazija billi jippromwovu l-attivitajiet u s-sikurezza tagħhom u billi jissalvagwardjaw l-ambjent tax-xogħol tagħhom;

(cf)

iżidu l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ l-impenn u l-appoġġ tagħha għal inizjattivi fil-livell lokali fir-reġjuni u fiż-żoni rurali sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet organizzattivi u ta' monitoraġġ tas-soċjetà ċivili u l-prattiki demokratiċi lokali;

(cg)

isaħħu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili tas-SL biex tieħu funzjoni ta' kontroll għar-riformi u ġġiegħel lill-istituzzjonijiet tal-istat rispettivi jagħtu kont ta' għemilhom, billi tnaqqas il-burokrazija u tiżgura l-preżenza tagħha f'laqgħat trilaterali, inkluż fil-laqgħat kollha tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-laqgħat tal-Assoċjazzjoni u l-Kooperazzjoni tal-Kunsill;

(ch)

irawmu kooperazzjoni fost is-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi tas-SL billi jistabbilixxu ċentru reġjonali biex jiżdiedu l-kompetenzi u jiġu skambjati l-aħjar prattiki u approċċi ta' ħidma, bħala parti mill-proġett il-ġdid tal-Università tas-Sħubija tal-Lvant fl-Ukrajna;

(ci)

ikomplu jipprovdu appoġġ strutturali, finanzjarju u għall-iżvilupp tal-kapaċità lill-organizzazzjonijiet li jassistu lill-atturi indipendenti tas-soċjetà ċivili favur id-demokrazija; jinsistu li l-UE, l-Istati Membri u l-programmi indipendenti favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż il-Fond Ewropew għad-Demokrazija, għandhom ikomplu joperaw b'mod liberu u mingħajr vessazzjonijiet jew limitazzjonijiet ġudizzjarji; jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu li l-NGOs indipendenti jiġu eliminati permezz tal-impożizzjoni ta' limitazzjonijiet ġudizzjarji u ostakli finanzjarji, l-applikazzjoni selettiva tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi, jew il-preżenza msaħħa ta' NGOs organizzati mill-gvern (GONGOs);

(cj)

jissensibilizzaw dwar l-attakki fuq l-attivisti ċivili fil-pajjiżi tas-SL minn forzi estremisti kif ukoll minn awtoritajiet tal-istat, li jdgħajfu l-valuri tal-UE, l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi konġunti tal-KEDB;

(ck)

jintensifikaw l-appoġġ u l-inizjattivi tal-UE biex isaħħu u jippermettu lill-awtoritajiet lokali u u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jimplimentaw riformi nazzjonali fil-livell lokali; jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet lokali bħala dawk li jfasslu l-politika u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jinkoraġġixxu skambji regolari bejn il-gvernijiet ċentrali u lokali fuq l-aġendi ta' riforma bil-parteċipazzjoni attiva u inklużiva tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati rilevanti l-oħra;

(cl)

jiżviluppaw pjanijiet direzzjonali u indikaturi għall-pajjiżi biex jinvolvu ruħhom ma' gvernijiet lokali u reġjonali, skont l-eżempji ta' involviment simili mas-soċjetà ċivili;

(cm)

jestendu, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tas-SL, ir-rappreżentanza tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), u jżidu l-kapaċitajiet tagħha li tappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f'azzjonijiet sostanzjali; jiżviluppaw, f'kooperazzjoni mal-CORLEAP u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, programm ta' tisħiħ tal-kapaċità għall-governanza lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL, li jkun jinkludi t-teħid ta' miżuri sistematiċi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

(cn)

iħeġġu l-parteċipazzjoni sostanzjali taċ-ċittadini tas-SL fil-proġetti ffinanzjati mill-UE u s-sjieda tagħhom, skont approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-valuri u l-istandards tal-UE;

Mezzi ta' informazzjoni, komunikazzjoni u ġestjoni tal-politika aħjar

(co)

jirrikonoxxu li n-nuqqas ta' kampanja xierqa ta' komunikazzjoni u informazzjoni f'nofs il-mewġa ta' diżinformazzjoni li huma esposti għaliha l-pajjiżi tas-SL tista' tirriżulta f'telf fl-isforzi, l-investiment u r-riżultati tas-SL matul dawn l-aħħar għaxar snin; jintensifikaw, għaldaqstant, l-isforzi ta' komunikazzjoni strateġika u, fi djalogu miftuħ maċ-ċittadini, iżidu l-viżibbiltà tal-appoġġ ipprovdut mill-UE fil-pajjiżi tas-SL, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jintlaħqu, għal dan il-għan, nies li jgħixu f'komunitajiet żgħar u fiż-żoni rurali, personalitajiet li jispikkaw fil-qasam tan-negozju u fil-komunità, dijaspori u minoranzi nazzjonali, lil hinn minn gruppi li diġà huma favur l-UE;

(cp)

jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda kontra l-UE billi jqawwu r-reżiljenza għall-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE tas-SL dwar is-SL u l-opportunitajiet u l-benefiċċji li toffri, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw minn kooperazzjoni politika u ekonomika mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, u mill-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/tad-DCFTAs, li torbothom mat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-kummerċ;

(cq)

jużaw b'mod aktar effiċjenti l-istrutturi eżistenti tal-UE, bħat-task force ta' StratCom tal-Lvant tas-SEAE, biex jidentifikaw u jirrispondu lill-kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda li jimminaw ir-relazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-għanijiet tagħha;

(cr)

isaħħu d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tas-SL u jippermettulhom jassistu lill-pajjiżi tas-SL fit-tlestija tar-riformi u biex jikkomunikaw b'mod aktar effikaċi kif l-UE qed tgħin liċ-ċittadini hemmhekk; jiżviluppaw rabtiet aktar orizzontali u jrawmu kooperazzjoni fost id-Delegazzjonijiet tal-UE, u jinkoraġġixxu skambji regolari ta' informazzjoni u għarfien espert u approċċi ta' ħidma oħra ta' suċċess;

(cs)

jiżguraw rwol aktar attiv għall-uffiċċji ta' kollegament tal-UE fl-Istati Membri fil-promozzjoni tal-importanza tal-pajjiżi tas-SL għall-proġett Ewropew;

(ct)

itejbu l-iskambju ta' informazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment il-Kummissjoni u s-SEAE, u jippreservaw il-memorja istituzzjonali, b'mod partikolari dwar l-appoġġ ipprovdut u l-proġetti ta' assistenza teknika implimentati, sabiex jibnu fuq ir-riżultati tagħhom meta jniedu proġetti u programmi ġodda;

(cu)

jisfruttaw il-programm Ambaxxaturi Żgħażagħ u l-boroż ta' studju tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, billi jistabbilixxu network attiv ta' ex parteċipanti abbażi ta' mudelli eżistenti li kellhom suċċess;

(cv)

jippromwovu l-mezzi ta' informazzjoni ħielsa u l-libertà tal-espressjoni bħala prinċipju fundamentali, u għalhekk jappoġġaw ambjent medjatiku demokratiku, indipendenti, pluralistiku u bbilanċjat fil-pajjiżi tas-SL, li jiżgura l-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali, l-opinjonisti u d-dissidenti mill-vessazzjonijiet u mill-intimidazzjoni, jippermetti aċċess mhux diskriminatorju għall-informazzjoni online u offline u parteċipazzjoni ċivika sinifikanti, u jissalvagwardja u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili;

(cw)

jintesifikaw l-appoġġ fil-ġlieda lokali kontra l-aħbarijiet foloz, il-gwerra ibrida fil-komunikazzjoni u d-degradazzjoni tal-programmi medjatiċi, li jistgħu jikkompromettu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u kontra t-tixrid ta' informazzjoni falza sabiex jinkisbu vantaġġi ekonomiċi jew politiċi; isostnu l-iżvilupp ta' azzjonijiet biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa tas-sjieda tal-mezzi ta' informazzjoni; jgħinu u jissorveljaw b'mod kostanti l-aġenzija regolatorja uffiċjali lokali f'kull pajjiż tas-SL;

(cx)

jappoġġaw programmi u riformi li jikkonċernaw il-litteriżmu medjatiku u informatiku biex jirriflettu l-era diġitali attwali;

(cy)

jippromwovu x-xandir ta' produzzjonijiet medjatiċi Ewropej fil-pajjiżi tas-SL kif ukoll produzzjonijiet tal-pajjiżi tas-SL fl-UE, biex jitnaqqsu d-differenzi kkawżati mill-istorja u mill-informazzjoni falza mogħtija f'dawn l-aħħar deċennji; jappoġġa l-organi ta' informazzjoni lokali fil-ksib ta' aċċess għall-programmi u inizjattivi medjatiċi Ewropej biex tinħoloq kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-organi ta' informazzjoni mill-UE u mis-SL;

(cz)

jiddenunzjaw l-użu ħażin ta' miżuri relatati mal-pandemija mill-awtoritajiet bħala mezz biex isikktu lill-oppożizzjoni politika, lis-soċjetà ċivili u lill-media billi jillimitaw d-drittijiet leġittimi tagħhom;

(da)

issaħħu u, meta possibbli, iżidu l-isforzi komuni tal-UE u tal-pajjiżi tas-SL fil-qasam tal-kuntatti u tal-iskambji interpersonali sabiex tinħoloq stampa pożittiva b'mod reċiproku fost il-popolazzjoni u jsir użu tajjeb mis-sentiment Ewropeista fost iċ-ċittadini tas-SL;

(db)

jippromwovu pjattaformi inklużivi u parteċipattivi għad-djalogu u l-kooperazzjoni li jlaqqgħu flimkien lill-partijiet ikkonċernati f'setturi u f'livelli differenti, inklużi dawk li jfasslu l-politika, l-atturi ekonomiċi, id-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-knejjes, il-komunitajiet reliġjużi u ċ-ċittadini b'inqas opportunitajiet, bil-għan li jiġu miġġielda t-tendenzi polarizzanti u estremisti fil-politika u s-soċjetà, kif ukoll l-impatt ta' kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(2)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(3)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(4)  ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4.

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Ażerbajġan tat-28 ta' Settembru 2018 dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan, ĠU L 265, 24.10.2018, p. 18.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali (Testi adottati, P9_TA(2020)0008).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(8)  ĠU L 289, 31.10.2013, p. 2.

(9)  ĠU L 128, 30.4.2014, p. 49.

(10)  12363/19 VISA 191 COEST 210.

(11)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 136.

(12)  ĠU C 208, 10.6.2016, p. 119.

(13)  ĠU C 234, 28.6.2016, p. 14.

(14)  ĠU C 300, 18.8.2016, p. 27.

(15)  ĠU C 328, 6.9.2016, p. 2.

(16)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 110.

(17)  ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(18)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.

(19)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 42.

(20)  ĠU C 263, 25.7.2018, p. 109.

(21)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 100.

(22)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 97.

(23)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 43.

(24)  ĠU C 11, 13.1.2020, p. 18.

(25)  Testi adottati, P8_TA(2018)0458.

(26)  Testi adottati, P8_TA(2018)0457.

(27)  Testi adottati, P8_TA(2018)0518.

(28)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.

(29)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 158.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/129


P9_TA(2020)0168

Il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 (2019/2210(INI))

(2021/C 362/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 li jipposponu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Zagreb tas-6 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika fis-17 ta' Ġunju 2018 bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta' Fuq, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Marzu 2020 dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija, li approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2020 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titlu “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent” (COM(2020)0057),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent” (COM(2018)0065),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, li tispeċifika li politika tat-tkabbir kredibbli tirrappreżenta investiment strateġiku fis-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u li diġà kkontribwiet ħafna għall-paċi f'żoni li qabel kienu mifnija bil-gwerra,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bit-titlu “Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014” (COM(2013)0700),

wara li kkunsidra l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, u li wara ġie approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2019,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tas-Summit ta' Zagreb tal-24 ta' Novembru 2000,

wara li kkunsidra Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, f'Tessalonika, fil-21 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, varat fit-28 ta' Awwissu 2014, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Balkani tal-Punent dwar il-kooperazzjoni reġjonali u t-tilwim bilaterali tas-27 ta' Awwissu 2015, u l-istabbiliment tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), b'iktar Summits li saru fi Vjenna (2015), f'Pariġi (2016), fi Trieste (2017), f'Londra (2018) u f'Poznan (2019),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tad-29 u t-30 ta' April 1997 dwar l-applikazzjoni tal-kondizjonalità bil-għan li tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tar-reġjun,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' 13-il Stat Membru tal-UE fil-11 ta' Ġunju 2019, dwar l-impenn tal-UE favur l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tas-Summit tal-Kelliema tal-Balkani tal-Punent, imsejjaħ mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, fit-28 ta' Jannar 2020,

wara li kkunsidra l-laqgħa informali tas-16 ta' Frar 2020 li ġabet flimkien il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kroazja li qiegħed jippresiedi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Ottubru 2019 bit-titlu “Il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija: il-kredibilità u l-interessi ġeostrateġiċi tal-UE għandhom jiġu rispettati” (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Ewropew dwar il-Pakkett tat-Tkabbir 2019, adottata fit-13 ta' Frar 2020 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (6),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-Balkani tal-Punent fil-qasam tal-migrazzjoni u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2020 bit-titolu “Appoġġ lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-irkupru wara l-pandemija” (COM(2020)0315),

wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0091/2020),

A.

billi t-tkabbir huwa wieħed mill-iktar politiki strateġiċi u ta' suċċess tal-UE kif ukoll l-iktar strument effettiv tal-politika barranija li jikkontribwixxi għall-estensjoni tal-valuri ewlenin tal-Unjoni bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, it-trawwim tal-paċi u l-ugwaljanza tal-prosperità, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi madwar l-Ewropa;

B.

billi l-proċess ta' tkabbir huwa parti integrali tal-integrazzjoni Ewropea u jibqa' strateġikament importanti għall-Unjoni Ewropea;

C.

billi l-prospettiva ta' sħubija sħiħa fl-UE bbażata fuq il-mertu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, hija fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni;

D.

billi l-prospettiva ta' sħubija fl-UE tirrappreżenta r-rikonoxximent ta' sfida ġeopolitika ewlenija għall-unifikazzjoni tal-kontinent Ewropew u wkoll inċentiv fundamentali għar-riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

E.

billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa u l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea għandu importanza ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għal-libertà u l-paċi;

F.

billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE jaħdem f'żewġ direzzjonijiet, fejn iż-żewġ naħat iridu jżommu l-impenji tagħhom u li hu mibni fuq il-premessa li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi kandidati jwettqu l-obbligi tagħhom;

G.

billi l-metodoloġija msaħħa proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li tixpruna dinamiżmu ġdid fil-proċess ta' tkabbir, u tagħti impetu ġdid favur it-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;

H.

billi l-UE hija l-ikbar investitriċi, sieħba kummerċjali u donatriċi fir-reġjun;

I.

billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament Ewropew laqa' pożittivament il-progress miksub mill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija; billi, fid-dawl ta' dan il-progress, il-Parlament qabel li jagħti l-kumpens għall-prestazzjoni lill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija, taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

J.

billi s-Summit ta' Zagreb irrikonoxxa l-primazija tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u talab lill-UE tintensifika aktar l-impenn tagħha mar-reġjun;

K.

billi l-Parlament Ewropew iddeplora n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jilħaq ftehim dwar il-ftuħ ta' taħditiet dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija fl-2019; billi dan in-nuqqas, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2018 u tal-2019, li ġew approvati mill-Parlament, qered il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea, ikkontribwixxa għall-qawmien tal-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u tal-Ewroxettiċiżmu, dgħajjef l-isforzi tal-pajjiżi kandidati, u rriskja l-ħolqien ta' vojt politiku, u li saħħaħ lill-atturi terzi li qed ifittxu li jistabbilixxu influwenza politika fir-reġjun, bi ħsara għall-proċess tal-integrazzjoni tal-UE;

L.

billi l-proċess ta' tkabbir irawwem u jsaħħaħ il-kapaċitajiet biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim bilaterali u jirsisti favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fir-reġjun;

M.

billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul, bil-għan li tissaħħaħ s-sorveljanza parlamentari;

N.

billi l-Parlament Ewropew jibqa' sieħeb affidabbli ta' pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE u promotur tal-proċess ta' tkabbir bħala mekkaniżmu pożittiv tal-Unjoni Ewropea li jistimola riformi mmirati lejn it-tisħiħ istituzzjonali u soċjoekonomiku ta' dawk il-pajjiżi għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom;

O.

billi l-Aġenda ta' Tessalonika u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija aċċentwaw il-fatt li se ssir enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta' iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Balkani tal-Punent;

P.

billi l-Parlament Ewropew huwa impenjat li jintensifika l-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ politiku u istituzzjonali tiegħu għad-demokrazija u r-riformi ekonomiċi fir-reġjun u li jassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

Q.

billi l-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024 jaffermaw mill-ġdid il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent;

R.

billi matul is-seduti ta' smigħ tagħhom fil-Parlament Ewropew, kemm il-Viċi President/Rappreżentant Għoli, is-Sur Borrell, kif ukoll il-Kummissarju Várhelyi, impenjaw ruħhom li jagħtu prijorità lill-proċess ta' tkabbir, iħaffu r-riformi strutturali u istituzzjonali u wkoll il-proċessi ta' integrazzjoni fil-Balkani tal-Punent;

S.

billi politika ta' tkabbir ambizzjuża tirrikjedi baġit adegwat; billi l-Kunsill għandu jipprevedi mezzi baġitarji suffiċjenti b'appoġġ għall-politika ta' tkabbir;

T.

billi l-UE teħtieġ ukoll issaħħaħ il-mekkaniżmi tal-istat tad-dritt fl-Unjoni u tistabbilixxi aġenda ambizzjuża għall-konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;

U.

billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta mill-qrib mal-proċess ta' integrazzjoni u mal-avvanz tal-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u mal-futur tal-pajjiżi tiegħu f'UE b'saħħitha u riformata;

V.

billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Frar 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta komunikazzjoni li tiddefinixxi l-azzjonijiet biex jinġiebu 'l quddiem ir-riformi fundamentali nkluż dwar l-istat tad-dritt;

W.

billi l-UE immobbilizzat EUR 3,3 biljun biex tindirizza l-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent, li jinkludu EUR 38 miljun f'appoġġ immedjat għas-settur tas-saħħa, EUR 389 miljun għall-irkupru soċjali u ekonomiku, EUR 750 miljun għall-assistenza makrofinanzjarja, EUR 455 miljun għar-riattivazzjoni ekonomika u EUR 1,7 biljun f'self preferenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

X.

billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ibbenefikaw mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, mill-akkwist konġunt ta' tagħmir mediku, minn eżenzjonijiet mill-iskema tal-UE ta' awtorizzazzjoni tal-esportazzjonijiet għal tagħmir ta' protezzjoni personali u l-“korsiji ħodor” għal prodotti essenzjali;

1.

Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)

li jappoġġjaw il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni billi jiżguraw li dan isaħħaħ il-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt u li jwassal għal trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u għal konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' viċinat u kooperazzjoni reġjonali tajbin bħala elementi essenzjali tat-tkabbir u tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u jiżguraw li t-tkabbir tal-Unjoni jissokta b'mod parallel mad-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u r-riforma interna tal-UE;

(b)

li jkabbru l-isforzi biex tinbena rieda politika fost l-Istati Membri biex jitkompla t-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent minflok ma l-proċessi interni tal-UE jitħallew ixekklu dan il-progress, kif ukoll biex itejbu l-gwida politika u strateġika tal-UE dwar il-politika ġenerali fir-reġjun;

(c)

li jżommu t-tkabbir bħala kundizzjoni neċessarja għall-kredibilità, is-suċċess u l-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu;

(d)

li jħaffu l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi impenjati, kemm politikament kif ukoll amministrattivament, favur l-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE;

(e)

li jiżguraw li l-metodoloġija msaħħa ssostni s-sħubija sħiħa fl-UE bħala l-għan aħħari u li l-UE tistabbilixxi regoli iktar prevedibbli u kriterji bbażati fuq il-kundizzjonalità u r-riversibilità, u tapplikahom b'mod konsistenti, biex b'hekk il-proċess ta' adeżjoni jsir iktar dinamiku u terġa' tistabbilixxi l-kredibilità tagħha bl-applikazzjoni tal-metodoloġija riveduta;

(f)

li jiżguraw li l-għoti ta' attenzjoni ikbar fuq in-natura politika tal-proċess, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-proposta dwar il-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, ma jissostitwix l-evalwazzjonijiet dwar it-tlestija tal-parametri referenzjarji fil-livell tal-esperti jew ma jxekkilx l-impenn tal-UE fit-triq lejn proċess ta' tkabbir ibbażat fuq il-mertu;

(g)

li jiżguraw li r-raggruppament ta' oqsma ta' politika jsaħħaħ id-dettall, il-kwalità u s-sostenibilità tar-riformi, biex jinkisbu riżultati konkreti fil-pajjiżi ta' adeżjoni filwaqt li jitħallew jinfetħu negozjati simultanji dwar kapitoli differenti;

(h)

li jipprovdu parametri referenzjarji dwar l-adeżjoni li jkunu ċari, trasparenti u konsistenti, kif ukoll joffru appoġġ politiku u tekniku kontinwu matul il-proċess, inkluż għall-parlamenti biex jiżguraw r-rwoli ta' sorveljanza indipendenti tagħhom, u jtejbu l-kejl tal-progress fuq il-post, filwaqt li jiżguraw li kull pajjiż ta' adeżjoni jiġi vvalutat abbażi tal-kundizzjonalità u tal-prinċipji tal-merti tiegħu stess;

(i)

li jiżguraw il-kontinwità, ir-responsabilità, il-konsistenza u l-prevedibilità tal-proċess tat-tkabbir billi jankraw il-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni bħala aġġustament ta' politika fit-tul u jevitaw reviżjonijiet ad hoc tal-proċess u tal-parametri tiegħu bħala konsegwenza ta' kunsiderazzjonijiet politiċi ta' kwalunkwe Stat Membru; li jiżguraw li l-parametri referenzjari dwar l-adeżjoni u l-appoġġ għall-adeżjoni jissejsu fuq it-tagħlimiet meħuda bil-għan li jiġu evitati n-nuqqasijiet misjuba iktar kmieni u jitjieb il-proċess ta' adeżjoni;

(j)

li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-metodoloġija msaħħa għall-pajjiżi ta' adeżjoni li diġà nfetħu n-negozjati magħhom, f'każ li dawn jiddeċiedu li jissieħbu bil-ħsieb li jiksbu allinjament sinifikattiv u fuq il-perjodu twil mal-istandards u n-normi tal-UE;

(k)

li jżidu l-inċentivi politiċi u ekonomiċi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jtejbu l-koerenza bejn il-proċess tat-tkabbir u l-inizjattivi politiċi fl-UE permezz ta' laqgħat reġjonali annwali fil-marġini tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, jiżguraw il-parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tal-Balkani tal-Punent fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u fil-gruppi ta' ħidma tal-Kummissjoni;

(l)

li jħeġġu l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-proċessi, il-politiki settorjali u l-programmi tal-UE qabel l-adeżjoni tagħhom, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE, bil-għan li jitwasslu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ, u biex tissaħħaħ l-assistenza u l-preżenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE f'dawn il-pajjiżi qabel is-sħubija sħiħa tagħhom;

(m)

li jappoġġaw rwol parlamentari msaħħaħ fil-proċess ta' adeżjoni permezz ta' fora stabbiliti u biex jinkoraġġixxu konsistentement inizjattivi ġodda bħas-Summit tal-iSpeakers, li tlaqqa' għall-ewwel darba mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent fit-28 ta' Jannar 2020;

(n)

li jiffaċilitaw u jippromwovu l-assoċjazzjoni iktar mill-qrib tal-membri parlamentari minn pajjiżi li għalihom infetħu n-negozjati fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;

(o)

li jinkludu lir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, b'enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

(p)

li jsaħħu l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u jinsistu fuq ir-riversibilità tal-proċess ta' adeżjoni billi jiġu applikati kriterji oġġettivi meta jiġi deċiż jekk għandhomx jitwaqqfu jew jiġu sospiżi n-negozjati; li jiżguraw li l-Kummissjoni tniedi dawn il-proċeduri wara li ssir evalwazzjoni bir-reqqa u b'rispons għal proposta mill-Istati Membri jew mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jitqies li l-prinċipju tal-klawżola ta' żbilanċ u r-riversibilità diġà japplikaw għall-oqfsa ta' negozjar kurrenti fil-każ tas-Serbja u l-Montenegro; li jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u sospensjoni jiġi akkumpanjat minn komunikazzjoni ċara mill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-ispeċifiċitajiet tal-possibilità ta' sospensjoni;

(q)

li jsaħħu s-sjieda tal-proċess ta' tkabbir mill-Istati Membri billi jżidu l-involviment ta' esperti dwar l-istat tad-dritt u oqsma oħra mill-Istati Membri, kif ukoll mis-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post, u jtejbu l-kejl tal-iżviluppi ġenerali billi jkomplu jaderixxu mal-istandards oġġettivi li ilhom jeżistu u billi jevitaw li jiġu politiċizzati l-aspetti tekniċi tal-proċess ta' adeżjoni, b'mod partikolari abbażi tar-rapporti ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ta' korpi oħra għall-istabbiliment tal-istandards;

(r)

li jirrikonoxxu li l-Proċess ta' Berlin jappoġġja u jissupplimenta l-politika tat-tkabbir tal-UE u ma jistax jiġi ttrattat la bħala alternattiva għall-adeżjoni u lanqas bħala replikatur ta' sforzi mwettqa bħala parti mit-tkabbir;

(s)

li jirrikonoxxu li l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq huwa fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku proprju tal-Unjoni;

(t)

li jirrikonoxxu li n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq, f'Ġunju 2018, f'Ġunju 2019 u f'Ottubru 2019, kellu effett ta' ħsara fuq ir-rwol tal-UE fir-reġjun u wkoll fuq l-opinjoni pubblika rigward l-adeżjoni mal-UE, billi ntbagħat messaġġ negattiv lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u jirrikonoxxu li l-ftuħ tat-taħditiet dwar l-adeżjoni jerġa' jagħti kredibilità lill-proċess, kif ġie rakkomandat mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni;

(u)

li jikkonċedu, malajr kemm jista' jkun, il-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Kosovo, peress li l-parametri referenzjarji ilhom li ġew issodisfati minn Lulju 2018;

(v)

li jżidu d-dinamiżmu tan-negozjati bil-għan li titħaffef l-adeżjoni tal-Montenegro u s-Serbja;

(w)

li jreġġgħu lura s-supremazija tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fiċ-ċentru tal-proċess ta' tkabbir, billi l-ewwel jiftħu u wara jagħlqu, l-kapitoli relatati mal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll dawk li jkopru r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni;

(x)

li jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva bil-għan li jsaħħu t-trasparenza u l-effikaċja tal-governanza tajba fil-livelli kollha;

(y)

li jisfruttaw l-esperjenza ta' tkabbir reċenti, inklużi t-tagħlimiet meħuda mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali;

(z)

li jkomplu jaħdmu flimkien mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

(aa)

li jiżguraw fokus immirat fuq il-bini tal-kapaċità tal-istat, l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-qrati, ir-riformi ġudizzjarji u fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

(ab)

li jirsistu fuq ir-rispett u l-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-qrati domestiċi u internazzjonali, inklużi dawk tal-qrati kostituzzjonali u tas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) u tas-suċċessur tiegħu l-Mekkaniżmu Internazzjonali għat-Tribunali Kriminali (IRMCT), u l-Kmamar Speċjalizzati tal-Kosovo (SC) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat (SPO), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI);

(ac)

li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u r-riżoluzzjoni ta' każijiet ta' persuni nieqsa; li jippromwovu l-kooperazzjoni sħiħa mal-IRMCT, il-Kosovo SC u l-SPO u l-ħarsien espliċitu tax-xogħol u s-sejbiet tal-ICTY, kif ukoll il-promozzjoni u t-tixrid tax-xogħol u l-wirt tiegħu għaċ-ċittadini; li jikkundannaw kull tentattiv ta' glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra u ta' ċaħda ta' fatti storiċi u biex f'dan ir-rigward, jappoġġjaw lill-Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (l-inizjattiva RECOM);

(ad)

li jżidu l-involviment tal-UE biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet bilaterali pendenti, jippromwovu relazzjonijiet ta' viċinat tajba u ta' kooperazzjoni reġjonali permezz tal-bini ta' fiduċja u ta' sforzi ta' medjazzjoni, u jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkommettu ruħhom għal rikonċiljazzjoni u soluzzjonijiet paċifiċi għal tilwim li ilu għaddej;

(ae)

li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni bil-ħsieb li japprofondixxu s-solidarjetà bejn il-popli tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu rispettati l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom;

(af)

li jappoġġaw lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent li għadu kif ġie maħtur, biex matul il-mandat tiegħu jikseb in-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo u jippromwovi r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat fir-reġjun;

(ag)

li jippromovu appoġġ usa' fis-soċjetà favur ir-rikonċiljazzjoni reġjonali billi, fost l-oħrajn, jappoġġaw l-involviment totali tal-parlamenti fid-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u jaħdmu favur ir-rikonċiljazzjoni reġjonali sostenibbli;

(ah)

li jissaħħu u, fejn possibbli, jiżdiedu l-isforzi komuni mill-pajjiżi tal-UE u tal-Balkani tal-Punent biex jitrawmu l-kuntatti u l-iskambji bejn il-persuni bil-għan li jinbnew xbihat pożittivi ta' xulxin b'mod reċiproku fost il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom;

(ai)

li jrawwmu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għal ambjenti politiċi inklużivi u li jiffaċilitaw l-isforzi fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent biex jingħelbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul; li jiżviluppaw kultura parlamentari inklużiva u kostruttiva u jsaħħu l-iskrutinju u s-sorveljanza parlamentari; u li jippromwovu approċċ responsabbli lejn rappreżentanza tal-interessi taċ-ċittadini fi ħdan il-parlamenti, bil-għan li jiġu promossi l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità aħjar tal-leġiżlazzjoni;

(aj)

li jieħdu nota u jiffaċilitaw il-ħidma marbuta mal-adeżjoni u mal-attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, inklużi l-attivitajiet tal-kumitati permanenti u d-delegazzjonijiet tiegħu, u bil-parteċipazzjoni tar-rapporteurs permanenti tal-Parlament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt il-proċess ta' skrutinju u fuq il-post;

(ak)

li jrawwmu r-riformi elettorali li jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, ġusti, kompetittivi u trasparenti fil-livelli ċentrali u lokali li jkunu ħielsa mill-intimidazzjoni u minn kampanji ta' diżinformazzjoni, f'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, u mar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali; li jagħtu segwitu lill-implimentazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; li jikkontribwixxu għall-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew fir-reġjun;

(al)

li jħeġġu lill-parlamenti nazzjonali jużaw l-għodod ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, bħad-Djalogu Jean Monnet u d-Djalogu bejn il-Partijiet, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-ħidma politika dwar id-djalogu parlamentari u biex jissaħħu r-responsabilità, is-sorveljanza, l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva;

(am)

li jsaħħu u jassoċjaw mill-qrib lis-soċjetà ċivili fir-rwol tagħha bħala attur indispensabbli fil-proċessi ta' konsolidazzjoni demokratika, kooperazzjoni reġjonali u riformi relatati mal-adeżjoni, b'enfasi fuq forzi pro-Ewropej u prodemokratiċi fir-reġjun;

(an)

li jiżguraw li ċ-ċittadini u s-soċjetajiet tal-pajjiżi kandidati jkunu assoċjati iktar mill-qrib mal-proċess ta' adeżjoni u jibbenefikaw minnu; li jagħtu appoġġ u inkoraġġiment partikolari, f'dan il-qafas, lis-sezzjonijiet pro-Ewropej u prodemokratiċi tas-soċjetà, tal-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom;

(ao)

li jiżguraw li kull pass meħud jinkludi djalogu sostanzjali u komprensiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademja u ż-żgħażagħ sa mill-istadju bikri tat-teħid tad-deċiżjonijiet sal-fażi ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali biex ma jingħatax appoġġ u ma jiġux iffinanzjati strutturi ta' poter lokali anti-Ewropej eżistenti jew strutturi lokali b'reputazzjoni demokratika dubjuża, u b'hekk jitrawwem l-iżvilupp tal-valuri tal-UE, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti bħala l-pedament għal adeżjoni b'suċċess fl-UE;

(ap)

li jikkundannaw bil-qawwa l-kampanji ta' malafama, it-theddid u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-istabbilimenti tal-midja u jinsistu fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati simili, biex b'hekk jitħalla ambjent sikur għall-ġurnalisti, filwaqt li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' konċentrazzjoni, ta' pressjoni politika u ekonomika fuq il-finanzjament tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda tal-midja;

(aq)

li jappoġġjaw u jsaħħu attivament xenarju medjatiku demokratiku, indipendenti u diversifikat, kif ukoll ir-responsabilità u l-governanza tal-midja;

(ar)

li jżidu l-miżuri ta' appoġġ li jrawmu r-reżiljenza kontra diżinformazzjoni u kampanji tal-midja fixkiela, inkluż dawk imwettqa permezz ta' operazzjonijiet ta' influwenza barranija li jfittxu li jdgħajfu l-proċessi demokratiċi u s-sovranità tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll ir-rwol tal-UE fir-reġjun, permezz ta' gwerra ibrida;

(as)

li jippromwovu u jappoġġjaw b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' politiki antidiskriminatorji u jinsistu fuq il-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda; li jħeġġu progress iktar mgħaġġel fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fl-iżgurar tal-inklużjoni soċjali tal-minoranzi etniċi, nazzjonali u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom u l-persuni LGBTQI+, b'attenzjoni speċjali għat-tfal, permezz tal-istabbiliment ta' politiki inklużivi li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

(at)

li jappellaw għal qafas ġuridiku iktar b'saħħtu għall-prevenzjoni u l-ġlieda attiva kontra l-femminiċidju u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal u forom oħra ta' vjolenza domestika, inkluż billi jitfakkru l-obbligi taħt il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u billi jittieħdu l-passi meħtieġa għar-ratifika tagħha; li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

(au)

li jirrikonoxxu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-flussi tar-rifuġjati, u l-isforzi sostanzjali mwettqa mir-reġjun fl-għoti ta' kenn u ta' provvisti umanitarji, primarjament bl-appoġġ tal-UE; li jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-ftehimiet dwar l-istatus bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex);

(av)

li jissottolinjaw is-sinifikat tal-kontribut tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-ħarsien tal-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea, u biex jiġi intensifikat l-appoġġ Ewropew għall-ġestjoni tal-fruntieri fir-reġjun; li jsaħħu l-kapaċità tas-sistema ta' asil fir-reġjun f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR);

(aw)

li jenfasizzaw l-importanza kruċjali tad-dimensjoni soċjali u tal-koeżjoni soċjoekonomika u r-rwol ewlieni tagħha matul il-proċess ta' adeżjoni;

(ax)

li jiffokaw iktar fuq il-qerda tal-faqar, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-liġi tax-xogħol;

(ay)

li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jgħollu l-istandard tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, jippromwovu t-tkabbir u jimplimentaw l-acquis soċjali tal-UE, u jinkludu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħalma huma t-trade unions, il-kmamar tal-kummerċ u l-kmamar tax-xogħol fil-proċess tan-negozjati mas-sħab tal-UE;

(az)

li jindirizzaw l-eżodu ta' mħuħ bl-użu ta' miżuri konkreti bħall-promozzjoni ta' riformi edukattivi inklużivi ta' kwalità, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), filwaqt li jiżguraw li s-settur tal-edukazzjoni jissodisfa aħjar ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg fit-tul u sostenibbli għaż-żgħażagħ;

(ba)

li jappoġġjaw il-pjattaforma ta' djalogu reġjonali “Bridging the Gap” taħt il-Programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew, fl-isforz biex jiġi eliminat id-distakk bejn il-politika taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-deputati fil-Balkani tal-Punent, u li jħeġġu azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u l-implimentazzjoni ta' politiki ffukati fuq iż-żgħażagħ fir-reġjun kollu;

(bb)

li jippromwovu opportunitajiet fil-volontarjat u l-involviment ċiviku għaż-żgħażagħ u jinvestu iktar fiż-żgħażagħ tar-reġjun biż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-programmi ta' mobilità eżistenti, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020 u bl-istabbiliment ta' programmi ġodda għall-mobilità intrareġjonali;

(bc)

li jsaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' programmazzjoni dedikata tal-Kummissjoni Ewropea;

(bd)

li jintensifikaw l-assistenza għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bil-ħsieb li jtejbu l-liġijiet tagħhom dwar l-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-klima u jiżguraw li jkollhom il-kapaċità li jimplimentawhom f'konformità mal-istandards tal-UE u mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż bl-implimentazzjoni kompluta u rapida tal-obbligi internazzjonali tagħhom taħt it-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, b'kunsiderazzjoni tal-allinjament u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-Unjoni dwar l-enerġija;

(be)

li jistiednu lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti dwar il-monitoraġġ, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma; li jiżguraw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi ex ante u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu garantiti l-iżvilupp ta' idroenerġija sostenibbli u tat-turiżmu, li jkunu bbilanċjati bi sforzi ta' konservazzjoni;

(bf)

li jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tal-enerġija, iżidu d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tas-sorsi ta' provvista, u jtejbu l-konnettività tal-infrastrutturi tal-enerġija u tan-networks diġitali;

(bg)

li jħeġġu t-tranżizzjoni tal-enerġija neċessarja lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli iktar nodfa u lil hinn mill-faħam u l-linjite, li jikkawżaw riskji soċjali u ta' saħħa serji għall-popolazzjonijiet lokali u għall-pajjiżi ġirien; li jinkludu lill-pajjiżi ta' adeżjoni tal-Balkani tal-Punent fil-proċessi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;

(bh)

li jfakkru li l-UE hija l-ikbar investitur barrani fir-reġjun, b'investiment ta' EUR 12,7-il biljun f'investiment dirett barrani bejn l-2014 u l-2018; li jistabbilixxu pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment li jkollu l-għan li jtejjeb il-kompetittività, l-ambjent legali u tan-negozju, is-sitwazzjoni tal-SMEs u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun kollu f'konformità mal-impenji li ttieħdu taħt il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiġi nnotat li t-tkabbir fil-Balkani tal-Punent qed inaqqas fir-ritmu wara perjodu qasir ta' rkupru ta' investiment fis-snin preċedenti u li l-kontribut tal-investiment u tal-esportazzjonijiet lejn it-tkabbir qed jonqos;

(bi)

li jippromwovu u jsaħħu l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif diġà implimentat fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u mmudellat fuq l-acquis tal-UE, u jappoġġjaw b'mod attiv l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-reġjun billi l-politiki tal-UE u s-suq intern jiġu estiżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent meta jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet;

(bj)

li jappoġġjaw inizjattivi bbażati fuq il-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali għal Żona Ekonomika Reġjonali (MAP REA) li ġie adottat mill-prim ministri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt is-summit ta' Trieste 2017, li jikkonsisti f'erba' pilastri – il-kummerċ, l-investiment, il-mobilità u l-integrazzjoni diġitali – li huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u biex titħaffef il-konverġenza mal-UE;

(bk)

li jappoġġjaw il-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);

(bl)

li jkomplu jappoġġjaw u joffru l-għajnuna meħtieġa malajr kemm jista' jkun biex jitwettqu l-proċessi ta' adeżjoni tas-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), billi jintlaqaw pożittivament l-applikazzjonijiet tagħhom għas-sħubija fid-WTO li tressqu fl-1999 u fl-2005 rispettivament, u tiġi mfakkra l-importanza li s-sħubija fid-WTO għandha biex jinfetħu opportunitajiet tal-kummerċ u biex il-pajjiżi kandidati jersqu eqreb lejn is-sħubija fl-UE;

(bm)

li jiddefendu l-interessi tal-Unjoni billi jtaffu l-effett negattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika ffirmati minn pajjiżi li jkunu applikaw għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u li jkunu ngħataw l-opportunità li jkollhom Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea, inkluż billi jiġi rivedut il-livell ta' assistenza pprovduta lil tali pajjiżi;

(bn)

li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

(bo)

li jagħtu prijorità għolja lir-reġjun taħt l-Istrateġija dwar il-Konnettività tal-UE, billi jenfasizzaw l-importanza li tiġi mtejba l-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun, u, b'mod partikolari, ir-rwol li din taqdi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ; li jappoġġjaw il-bini ta' kurituri ferrovjarji u tat-toroq Ewropej madwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura;

(bp)

li jlaqqgħu flimkien il-popli u l-ekonomiji tar-reġjun u tal-UE billi jintegraw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fin-networks TEN-T u TEN-E, u jassistu fil-garanzija ta' servizzi tat-trasport u tal-enerġija ta' kwalità u sikuri u jtejbu l-infrastruttura u l-konnettività globali fir-reġjun, kif ukoll bejn ir-reġjun u l-UE, f'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent;

(bq)

li jkomplu jħaffu l-implimentazzjoni tal-aġenda diġitali għall-Balkani tal-Punent sabiex iċ-ċittadini jgawdu mill-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali; li jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun itejbu l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' żvilupp għan-negozji ġodda u l-SMEs;

(br)

li jistabbilixxu skeda ta' żmien prevedibbli u jħaffu l-implimentazzjoni ta' żona reġjonali ħielsa mir-roaming u jniedu iktar tnaqqis fit-tariffi għall-komunikazzjonijiet mal-UE abbażi ta' kooperazzjoni u konnettività reġjonali fiżiċi u diġitali miżjuda;

(bs)

li jtejbu l-konsistenza, l-effiċjenza, il-viżibilità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna, biex b'hekk javvanzaw il-valuri tal-Unjoni, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti; li jallinjaw, fejn xieraq, il-finanzjament tal-IPA III mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

(bt)

li jiżguraw finanzjament ta' qabel l-adeżjoni adegwat, ġust u proporzjonali, ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati li jaqbel mal-bżonnijiet ta' trasformazzjoni tal-benefiċjarji u jgħinhom jissodisfaw l-obbligi ta' adeżjoni mal-UE; li jagħtu prijorità lil proġetti speċifiċi li jkunu ta' benefiċċju għall-persuni tal-pajjiżi kkonċernati u jsaħħu l-kapaċità ta' assorbiment tal-benefiċjarji;

(bu)

li jikkoordinaw iktar mill-qrib il-kwistjonijiet ta' governanza ekonomika ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) u jtejbu l-kooperazzjoni reċiproka ħalli jiġu ssimplifikati l-isforzi ta' appoġġ u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-finanzjament;

(bv)

li jsaħħu l-kundizzjonalità bejn l-assistenza makrofinanzjarja u l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

(bw)

li jevitaw tnaqqis fil-finanzjament ġenerali tal-IPA li jista' jnaqqas ir-ritmu tar-riformi relatati mal-UE u jdgħajjef il-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa l-objettiv strateġiku tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni u tħejjihom għall-obbligi ta' sħubija, u jillimita b'mod serju l-kapaċità li jiġu indirizzati sfidi diversi relatati mal-istat tad-dritt, ir-rikonċiljazzjoni, l-integrazzjoni reġjonali u t-tibdil fil-klima, filwaqt li r-reġjun jispiċċa jkun saħansitra iktar suxxettibbli għall-influwenza ta' atturi minn pajjiżi terzi; li jiżguraw appoġġ adegwat u kontinwu għas-soċjetà ċivili;

(bx)

li jiżguraw li l-IPA III jitmexxa minn prijoritajiet politiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini permezz ta' proġetti konkreti, u li l-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni jiġi allokat b'mod trasparenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju u li jkun ibbażat fuq indikaturi tal-prestazzjoni sodi, filwaqt li jitqies l-impenn tal-pajjiżi benefiċjarji fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-progress tagħhom;

(by)

li jsaħħu l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni permezz ta' mekkaniżmu ta' sospensjoni, li jiżgura koerenza mal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jikkomplementaw ir-Regolament IPA III permezz ta' “Djalogu Strateġiku” riformat u mtejjeb u jiżguraw li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat u kkonsultat fil-pront;

(bz)

li jirrispettaw ir-responsabilità demokratika billi jiżguraw l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju, is-sorveljanza u t-tmexxija strateġika tad-disinn, l-ipprogrammar u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-IPA III permezz ta' atti delegati;

(ca)

li jtejbu l-viżibilità ġenerali u l-informazzjoni dwar l-appoġġ tal-UE fir-reġjun billi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika sabiex iwasslu l-valuri tal-Unjoni u jaċċentwaw il-valur miżjud tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE; li jħejju strateġija ta' komunikazzjoni konġunta f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; li jiżviluppaw iktar fehim tal-benefiċċji tal-proċess ta' adeżjoni u tal-proċess ta' unifikazzjoni madwar il-kontinent Ewropew;

(cb)

li jinsistu fuq l-allinjament progressiv tal-pajjiżi ta' adeżjoni mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE u mal-politika kummerċjali komuni;

(cc)

li jżidu b'mod sinifikanti l-komunikazzjoni rigward l-għajnuna tal-UE, b'mod partikolari dwar l-appoġġ sostanzjanli li l-UE pprovidet lill-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, u li jiżguraw li l-benefiċjarji ta' din l-għajnuna ma jxerrdux diżinformazzjoni u retorika negattiva rigward ir-rispons tal-UE għall-COVID-19;

(cd)

li jfaħħru l-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) mal-UE;

(ce)

li jikkundannaw l-azzjonijiet ta' pajjiżi terzi intiżi biex jiddistabbilizzaw u jdgħajfu l-governanza demokratika fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;

(cf)

li jkomplu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-propaganda Russa;

(cg)

li jagħtu segwitu lis-Summit tal-2020 bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent bil-għan li jevalwaw u jivvalutaw mill-ġdid il-proċess ta' tkabbir u jipprovdu impetu ġdid għat-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;

(ch)

li jimplimentaw b'ħeffa il-metodoloġija ta' tkabbir riveduta għal tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' adeżjoni, u jibnu fuq is-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Zagreb, biex jadottaw oqfsa ta' negozjar u jlaqqgħu konferenzi intergovernattivi li jkollhom l-għan li jnedu taħdidiet ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq;

(ci)

jenfasizza l-15-il kundizzjoni, deċiżi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li l-Albanija teħtieġ li tissodisfa qabel l-ewwel konferenza intergovernattiva tagħha mal-Istati Membri tal-UE;

(cj)

li jsostnu l-kooperazzjoni mar-Renju Unit fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jikkunsidraw ir-rabtiet Brittaniċi mar-reġjun, kif ukoll l-objettivi komuni, mill-avvanz tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u objettivi u għanijiet oħra tal-missjonijiet tal-PSDK;

(ck)

li jintensifikaw id-djalogu politiku ta' livell għoli permezz ta' summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent;

(cl)

li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Evalwazzjoni Tematika tal-Appoġġ tal-UE għall-Istat tad-Dritt fil-Pajjiżi tal-Viċinat u tat-Tkabbir (2010-2017), flimkien mal-adozzjoni fil-pront ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza t-tħassib serju dwar l-istat tad-dritt permezz ta' mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u riversibilità;

(cm)

li jkomplu l-ħidma fuq l-appoġġ sinifikanti mogħti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jindirizzaw l-ħtiġijiet immedjati ta' saħħa u umanitarji minħabba l-COVID-19;

(cn)

li jkomplu jappoġġaw lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-Punent fil-koordinazzjoni tar-rispons u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19, u li jallinjaw il-miżuri fi ħdan il-pakkett komuni ta' emerġenza ekonomika mħejji flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

(co)

li jiżguraw li l-QFP kurrenti u tal-ġenerazzjoni li jmiss, flimkien mal-pjan ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-irkupru ta' wara l-COVID-19, u jiffaċilitaw it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni permezz ta' konnessjonijiet diġitali, tal-enerġija u tat-trasport imtejba u sostenibbli;

(cp)

li jiggarantixxu li l-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent ma jiġix iffinanzjat prinċipalment permezz tal-fondi tal-IPA eżistenti, biex b'hekk potenzjalment jiġi assorbit finanzjament minn politiki u programmi importanti oħrajn; li jaraw li dan il-pjan jikkonforma bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b'mod partikolari mal-mira tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE;

(cq)

li jagħtu prijorità lill-Balkani tal-Punent fil-Garanzija għall-Azzjoni Esterna l-ġdida u fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD+) skont l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jiżguraw żieda doppja fil-forniment ta' għotjiet permezz tal-Qafas ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent bil-għan li jappoġġaw l-iżvilupp tas-settur privat, il-konnettività, id-diġitalizzazzjoni, l-aġenda ekoloġika, u l-investimenti soċjali, u biex jżidu sostanzjalment il-garanziji finanzjarji ta' appoġġ għall-investiment pubbliku u privat fir-reġjun permezz tal-Istrument ta' Garanzija;

(cr)

li jestendu l-ambitu ġeografiku tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li diġà jkopri l-kriżijiet ta' saħħa pubblika, għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ta' adeżjoni.

(1)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 15.

(2)  CDR 2727/2019.

(3)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 142.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2019)0299.

(5)  Testi adottati, P9_TA(2019)0050.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0010.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/141


P9_TA(2020)0132

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck (2019/2154(IMM))

(2021/C 362/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck, imressqa fid-29 ta' Ottubru 2019 mill-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur b'rabta mal-Proċedura Nru 80 AR 137/19 u mħabbra fis-seduta plenarja fil-25 ta' Novembru 2019,

wara li sema' lil Gunnar Beck, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fit-30 ta' April 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0036/2020),

A.

billi l-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf talab it-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma' investigazzjoni possibbli dwar l-allegat użu ħażin ta' titli, li huwa reat stabbilit u punibbli fis-sens tal-Artikolu 132a(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż;

B.

billi l-investigazzjoni ma tirrigwardax opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minn Gunnar Beck fil-qadi ta' dmirijietu, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

C.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

D.

billi fuq il-karta tal-vot għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2019, Gunnar Beck ġie elenkat bħala “Prof. Dr Gunnar Beck, Hochschuldozent [lekċerer universitarju], Barrister-at-Law für EU-Recht [speċjalizzat fid-Dritt tal-UE], Neuss (NW)”; billi fl-1996 Gunnar Beck ingħata Dottorat fil-Filosofija f'Oxford, il-Gran Brittanja, filwaqt li fil-Ġermanja la kiseb it-titlu ta' professur u lanqas ta' dottore; billi qabel is-sessjoni parzjali kostituttiva tal-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf nieda investigazzjoni fuq il-bażi ta' rapporti fl-istampa u lmenti kriminali dwar l-allegat użu ħażin ta' titlu fis-sens tal-Artikolu 132a (1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż; billi ftit żmien wara l-5 ta' Lulju 2019 u probabbilment fid-9 ta' Lulju 2019, l-investigazzjoni ġiet sospiża insegwitu tal-elezzjoni ta' Gunnar Beck fil-Parlament Ewropew; billi fl-4 ta' Settembru 2019, il-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck lill-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bil-ħsieb li terġa' tinbeda l-investigazzjoni dwar l-allegat użu ħażin ta' titlu fis-sens tal-Artikolu 132a(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż;

E.

billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali “fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas m'għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ”;

F.

billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

G.

billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

H.

billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni sottostanti tal-proċedimenti legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru, u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Gunnar Beck;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi u lil Gunnar Beck.

(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266;


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/143


P9_TA(2020)0133

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt (2019/2149(IMM))

(2021/C 362/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Guy Verhofstadt, imressqa fil-15 ta' Ottubru 2019 mill-Qorti Distrettwali ta' Varsavja-Śródmieście, il-Ħames Awla Kriminali, b'rabta ma' proċedimenti kriminali pendenti insegwitu ta' proċedimenti ċivili mressqa quddiem l-istess qorti (ref. X K 7/18), u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Novembru 2019,

wara li sema' lil Guy Verhofstadt, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fit-30 ta' April 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0037/2020),

A.

billi l-imħallef tal-Qorti Distrettwali ta' Varsavja-Śródmieście (Polonja), il-Ħames Awla Kriminali, ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Guy Verhofstadt fir-rigward ta' ċerti dikjarazzjonijiet li għamel fil-15 ta' Novembru 2017 waqt dibattitu fil-plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu; billi r-raġunijiet għad-digriet tal-Qorti Distrettwali jiddikjaraw li, peress li hija responsabbiltà tar-rikorrent li jikseb awtorizzazzjoni biex jibda l-proċedimenti, “f'din is-sitwazzjoni l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu jitqies bħala l-awtorità rilevanti”, li “jekk il-prosekutur pubbliku ma jintervejnix fil-proċedimenti u l-Qorti tirrifjuta li titlob li l-immunità inkwistjoni titneħħa”, ir-rikorrent ċivili “jiċċaħħad mill-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu kontra persuni protetti bl-immunità tal-Parlament Ewropew” u li “d-dispożizzjoni inkwistjoni [l-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu] ma tiddisponix li l-awtorità ġudizzjarja għandha tfassal talba bħal din, iżda tiddisponi biss li għandha tittrażmettiha. Għaldaqstant, it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari fiha nnifisha tikkostitwixxi trażmissjoni purament formali tat-talba tar-rikorrent ċivili”; filwaqt li jinnota, għalhekk, li t-talba msemmija għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ġiet ikkomunikata mill-awtorità ġudizzjarja skont l-Artikolu 9(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, kwalunkwe talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari trid titressaq minn “awtorità kompetenti ta' Stat Membru”, żewġ kunċetti li mhumiex identiċi;

B.

billi Guy Verhofstadt ġie akkużat, permezz ta' kwerela ċivili ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat tar-rikorrent ċivili privat quddiem l-istess qorti li, b'imprudenza, insulta lir-rikorrent ċivili privat; billi, fl-intervent tiegħu waqt dibattitu fil-plenarja dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja, li ġie mxandar mill-midja, Guy Verhofstadt iddeskriva l-parteċipanti f'Marċ tal-Indipendenza f'Varsavja fl-2017 bħala “faxxisti, neonazis u suprematisti bojod”; billi r-rikorrent kien fost il-partiċipanti f'dan il-marċ;

C.

billi, b'dawn il-kummenti, Guy Verhofstadt allegatament insulta pubblikament ir-rikorrent fl-assenza tiegħu u, allegatament, akkużah ta' fatti li huma ta' preġudizzju f'għajnejn il-pubbliku, u dan iġib miegħu r-riskju, skont ir-rikorrent, li jipprivah mill-fiduċja neċessarja għat-twettiq ta' funzjoni, professjoni jew tip ta' attività, u dan jikkostitwixxi reat previst fl-Artikolu 216(2), flimkien mal-Artikolu 212(2), flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk;

D.

billi l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru iżda garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

E.

billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jiġi assimilat ma' qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru tal-Parlament, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, ma jistax jitqies li huwa “akkużat” (2);

F.

billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

G.

billi Guy Verhofstadt għamel id-dikjarazzjonijiet tiegħu waqt sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew u waqt is-seduta plenarja stess, fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

H.

billi d-dikjarazzjonijiet ta' Guy Verhofstadt għalhekk saru fil-kuntest ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew u tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew;

1.

Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Guy Verhofstadt;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Guy Verhofstadt.

(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266;

(2)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta' Diċembru 2019, Oriol Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/145


P9_TA(2020)0130

It-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (05639/2/2020 – C9-0132/2020 – 2018/0178(COD)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2021/C 362/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05639/2/2020 – C9-0132/2020),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018 (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0353),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0107/2020),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif dovut, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103.

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 24.

(3)  Testi adottati, 28.3.2019, P8_TA(2019)0325.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/146


P9_TA(2020)0131

L-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ***II

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (15300/1/2019 – C9-0102/2020 – 2018/0154(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

(2021/C 362/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (15300/1/2019 – C9-0102/2020),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0307),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0108/2020),

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.

Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.

Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Testi adottati tas-16.4.2019, P8_TA(2019)0359.


Il-Ħamis 18 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/147


P9_TA(2020)0134

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cabo Verde (mill-2019 sal-2024) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cabo Verde (mill-2019 sal-2024) (08662/1/2019 – C9-0004/2019 – 2019/0078(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08662/1/2019),

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cabo Verde (mill-2019 sal-2024) (08668/2019),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0004/2019),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 (1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0024/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta' Cabo Verde.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0135.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/148


P9_TA(2020)0135

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cabo Verde (mill-2019 sal-2024) (Riżoluzzjoni)

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (għall-2019 sal-2024) (08662/2019 – C9-0004/2019 – 2019/0078M(NLE))

(2021/C 362/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08662/2019),

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde (mill-2019 sal-2024) (08668/2019),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0004/2019),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2020 (1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-ftehimiet dwar is-sajd (3),

wara li kkunsidra r-rapport finali ta' Frar 2018 bit-titlu “Ex-post and Ex-ante evaluation study of the Sustainable Fisheries Partnership Agreement between the European Union and the Republic of Cabo Verde” (Studju ta' evalwazzjoni ex-postex-ante tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cabo Verde),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0023/2020),

A.

billi l-Kummissjoni u l-Gvern ta' Cabo Verde nnegozjaw ftehim ta' sħubija ġdid dwar is-sajd sostenibbli (SFPA bejn l-UE u Cabo Verde), flimkien mal-protokoll ta' implimentazzjoni għal perjodu ta' ħames snin;

B.

billi l-għan ġenerali tal-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde huwa li jżid il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd bejn l-UE u Cabo Verde, fl-interess taż-żewġ partijiet, billi jippromwovi politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) ta' Cabo Verde;

C.

billi l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd taħt l-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde preċedenti varja minn 58 % sa 68 %, b'użu tajjeb għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun u użu moderat għall-bastimenti tas-sajd bil-konz u bastimenti bil-bastun u x-xlief;

D.

billi l-klieb il-baħar jikkostitwixxu 20 % tal-qbid, iżda n-nuqqas ta' data xjentifika jfisser li ċ-ċifra totali tista' ma tkunx preċiża u tista' tkun ferm ogħla;

E.

billi l-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde għandu jippromwovi żvilupp sostenibbli aktar effettiv tal-komunitajiet tas-sajd ta' Cabo Verde u tal-industriji u l-attivitajiet relatati, inkluża x-xjenza fil-qasam tas-sajd; billi l-appoġġ li għandu jiġi pprovdut taħt il-Protokoll għandu jkun konsistenti mal-pjanijiet nazzjonali ta' żvilupp u mal-Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tkabbir Blu għall-iżvilupp fil-limiti ekoloġiċi, imfassal man-Nazzjonijiet Uniti biex iżid il-produzzjoni u l-professjonalità tas-settur sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali għall-ikel u l-impjieg;

F.

billi l-impenji meħuda mill-UE fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali għandhom jiġu appoġġati wkoll fil-qafas tal-SFPA, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, speċjalment l-SDG 14, u billi l-azzjonijiet kollha tal-UE, inkluż l-SFPA, iridu jikkontribwixxu għal dawk l-objettivi;

G.

billi l-UE, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, qed tikkontribwixxi baġit pluriennali ta' EUR 55 miljun lil Cabo Verde, li jiffoka fuq settur wieħed ewlieni, jiġifieri l-Kuntratt ta' Governanza Tajba u Żvilupp (GGDC);

H.

billi l-SFPA għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd ta' Cabo Verde u billi l-infrastruttura bażika, bħalma huma l-portijiet, is-siti ta' żbark, il-faċilitajiet ta' ħżin u l-impjanti tal-ipproċessar, jeħtieġ li tinbena jew tiġi rinnovata;

I.

billi l-Parlament għandu jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-Protokoll u mat-tiġdid tiegħu;

1.

Huwa tal-fehma li l-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde għandu jkollu żewġ għanijiet ta' importanza ugwali: (1) li jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE fiż-ŻEE ta' Cabo Verde, abbażi tal-aħjar għarfien u pariri xjentifiċi disponibbli u mingħajr ma jinterferixxi ma' miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-organizzazzjonijiet reġjonali li għalihom tappartjeni Cabo Verde – b'mod partikolari l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) – jew mingħajr ma jaqbeż l-eċċess disponibbli; u (2) li jippromwovi l-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika ulterjuri bejn l-UE u Cabo Verde fil-qasam tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-ŻEE ta' Cabo Verde, filwaqt li fl-istess ħin ma jikkompromettix l-għażliet u l-istrateġiji sovrani ta' Cabo Verde relatati mal-iżvilupp tiegħu stess; iqis, fl-istess ħin u fid-dawl tal-valur għoli tal-bijoloġija tal-baħar fl-ilmijiet ta' Cabo Verde, li l-ftehim għandu jiggarantixxi l-adozzjoni ta' miżuri li jnaqqsu s-sajd inċidentali minn bastimenti tal-UE fiż-ŻEE ta' Cabo Verde;

2.

Huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu miżuri biex jiggarantixxu li t-tunnellaġġ ta' referenza stipulat fil-ftehim ma jinqabiżx;

3.

Jiġbed l-attenzjoni għall-konstazzjonijiet tal-valutazzjonijiet retrospettivi u prospettivi tal-Protokoll tal-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde 2014-2018, magħmula f'Mejju 2018, li ddikjaraw li l-Protokoll b'mod ġenerali kien wera li kien effikaċi, effiċjenti u xieraq għall-interessi involuti, u kien konsistenti mal-politika settorjali ta' Cabo Verde, b'kisba ta' grad għoli ta' aċċettabbiltà min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, u li rrakkomandaw il-possibbiltà li jiġi konkluż protokoll ġdid; jenfasizza li hemm lok għal progress aktar effettiv f'termini ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd bejn l-UE u Cabo Verde u jqis li l-protokoll il-ġdid għandu għalhekk imur lil hinn mill-protokolli preċedenti fl-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim, b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ għall-iżvilupp għas-settur tas-sajd ta' Cabo Verde;

4.

Jappoġġa l-ħtieġa li jsir progress sinifikanti fl-iżvilupp tas-settur tas-sajd ta' Cabo Verde, inkluża l-industrija tas-sajd u l-attivitajiet relatati, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluża l-possibbiltà ta' reviżjoni u t-tisħiħ tal-komponent ta' appoġġ settorjali tal-ftehim, flimkien mal-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jippermettu ż-żieda tar-rata ta' assorbiment ta' dan l-appoġġ;

5.

Iqis li l-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde mhux se jilħaq l-objettivi tiegħu jekk ma jgħinx biex iżid il-valur miżjud f'Cabo Verde bħala riżultat tal-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tiegħu;

6.

Isostni li l-SFPA bejn l-UE u Cabo Verde u l-Protokoll tiegħu għandhom jiġu allinjati mal-pjanijiet nazzjonali ta' żvilupp u mal-Pjan dwar it-Tkabbir Blu għall-iżvilupp fil-limiti ekoloġiċi tas-settur tas-sajd ta' Cabo Verde, li huma oqsma ta' prijorità għall-appoġġ tal-UE u li għalihom l-assistenza teknika u finanzjarja neċessarja għandha tiġi mobilizzata, u b'mod speċifiku għandhom:

isaħħu l-kapaċità istituzzjonali u jtejbu l-governanza: l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni, l-ibbażar fuq pjanijiet ta' ġestjoni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni u pjanijiet ta' ġestjoni;

isaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza fiż-ŻEE ta' Cabo Verde u ż-żoni ta' madwar;

isaħħu l-miżuri biex jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU), inkluż fl-ilmijiet interni;

isaħħu s-sħubiji ma' pajjiżi oħra interessati fl-attività tas-sajd fiż-ŻEE ta' Cabo Verde, jiġifieri permezz ta' ftehimiet tas-sajd, u jiżguraw it-trasparenza billi jippubblikaw kwalunkwe kontenut tagħhom, u billi jistabbilixxu programm reġjonali għat-taħriġ u l-użu tal-osservaturi;

jappoġġaw l-istabbiliment u t-titjib ta' programm ta' ġbir ta' data li jippermetti lill-awtoritajiet ta' Cabo Verde jifhmu r-riżorsi disponibbli u jappoġġaw il-valutazzjoni xjentifika tar-riżorsi, u li jirriżulta f'proċess deċiżjonali bbażat fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli;

jippermettu l-kostruzzjoni u/jew ir-rinnovazzjoni ta' infrastruttura ewlenija għas-sajd u attivitajiet relatati, bħal mollijiet għall-ħatt l-art u portijiet (kemm industrijali kif ukoll artiġjanali, pereżempju fil-port ta' Mindelo fil-gżira ta' São Vicente), siti għall-ħżin u l-ipproċessar tal-ħut, swieq, infrastruttura tad-distribuzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni, u laboratorji għall-analiżi tal-kwalità;

jappoġġaw u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema kollha, b'mod partikolari għan-nisa fl-attivitajiet kollha relatati mas-sajd, mhux biss għal dak li jikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni iżda wkoll it-trasformazzjoni, il-ġestjoni tas-sajd u x-xjenza;

jappoġġaw l-għarfien xjentifiku meħtieġ għall-istabbiliment ta' żoni tal-baħar protetti, inkluż l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tagħhom;

jillimitaw il-qabdiet aċċessorji ta' speċijiet sensittivi, bħall-fkieren tal-baħar;

jippermettu t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-irġiel u lin-nisa fl-industrija tas-sajd, speċjalment dawk involuti fis-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, u b'hekk jgħinu biex jissaħħu l-kapaċitajiet tekniċi, ta' ġestjoni u ta' negozjar;

iservu biex jiġu stabbiliti u/jew jiġu mmodernizzati ċentri ta' taħriġ bażiku u vokazzjonali, biex b'hekk jgħollu l-livelli tal-ħiliet tas-sajjieda, il-baħħara u n-nisa attivi fis-settur tas-sajd u f'attivitajiet oħra marbuta mal-ekonomija blu;

isaħħu l-miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fis-sajd;

isaħħu l-kapaċitajiet ta' riċerka xjentifika u l-abbiltà li jiġu mmonitorjati r-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar;

itejbu s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar b'mod ġenerali;

7.

Jilqa' l-fatt li l-ftehim ma jikkonċernax ħut pelaġiku żgħir li huwa ta' importanza kbira għall-popolazzjoni lokali u li għalih m'hemmx eċċess;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt potenzjalment negattiv tal-attivitajiet relatati mas-sajd fuq il-popolazzjoni tal-klieb il-baħar fiż-ŻEE ta' Cabo Verde;

9.

Iqis li hija meħtieġa evalwazzjoni aktar dettaljata tal-benefiċċji li l-implimentazzjoni tal-Protokoll se ġġib għall-ekonomiji lokali (impjiegi, infrastruttura, titjib soċjali);

10.

Iqis li huwa mixtieq li jittejbu l-kwantità u l-preċiżjoni tad-data dwar il-qabdiet kollha (speċijiet fil-mira u qabdiet aċċessorji), dwar l-istatus ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u dwar l-impatt tal-attività tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar, u li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-appoġġ settorjali sabiex ikun hemm valutazzjoni aktar preċiża tal-impatt tal-ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar, ir-riżorsi tas-sajd u l-komunitajiet lokali, inkluż l-impatt soċjali u ekonomiku tiegħu;

11.

Iqis li, fid-dawl tal-possibbiltà tal-għeluq jew tal-limitazzjoni tal-attività tas-sajd, il-ħtiġijiet tas-sajd lokali għandhom jiġu indirizzati l-ewwel, fuq il-bażi ta' parir xjentifiku tajjeb, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jkunu sostenibbli;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta' Cabo Verde biex itejbu l-ġbir tad-data fuq l-istokkijiet u l-monitoraġġ tagħhom fil-kuntest tas-sajd żejjed, b'enfasi partikolari fuq il-klieb il-baħar;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-politiki ta' kooperazzjoni u ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp li jiffokaw fuq Cabo Verde, iżommu f'moħħhom li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-appoġġ settorjali stabbilit f'dan l-SFPA għandhom jikkomplementaw lil xulxin sabiex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-settur lokali tas-sajd u jiżguraw li l-pajjiż ikollu sovranità sħiħa fuq ir-riżorsi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita, permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u strumenti rilevanti oħra, il-passi meħtieġa għall-provvista ta' infrastruttura li, minħabba l-iskala u l-ispiża tagħha, ma tistax tinbena biss permezz ta' appoġġ settorjali fil-qafas tal-SFPA, pereżempju l-portijiet tas-sajd (kemm industrijali kif ukoll artiġjanali);

14.

Jappoġġa l-ħtieġa li jiżdied il-kontribut tal-SFPA għall-ħolqien, fil-livell lokali, ta' impjiegi diretti u indiretti, kemm fuq il-bastimenti li joperaw fil-qafas tal-SFPA kif ukoll fl-attivitajiet relatati mas-sajd, kemm upstream kif ukoll downstream; iqis li l-Istati Membri jista' jkollhom rwol ewlieni u jipparteċipaw b'mod attiv fil-bini tal-kapaċità u fl-isforzi ta' taħriġ għal dan l-għan;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu aktar il-kooperazzjoni tagħhom ma' Cabo Verde, jevalwaw il-possibbiltajiet għat-titjib tal-assistenza għall-iżvilupp futur, prinċipalment fl-ambitu tal-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) propost bħala parti mill-baġit tal-UE għall-2021-2027, u b'mod partikolari billi jqisu l-użu tajjeb tal-fondi tal-UE f'Cabo Verde u l-istabbiltà politika tal-pajjiż f'kuntest ġeopolitiku kumpless, li jrid jiġi appoġġat u ppremjat;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lir-Repubblika ta' Cabo Verde tuża l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fil-Protokoll biex issaħħaħ l-industrija nazzjonali tas-sajd tagħha fit-tul, tinkoraġġixxi d-domanda għal investiment lokali u proġetti industrijali, u tħeġġeġ it-tkabbir ta' ekonomija blu sostenibbli, biex b'hekk toħloq impjiegi lokali u tagħmel mod li l-attivitajiet relatati mas-sajd ikunu aktar interessanti għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament u tagħmel pubblikament disponibbli l-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-ftehim u l-eżiti tal-evalwazzjonijiet annwali; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-attendenza tar-rappreżentanti tal-Parlament, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd ta' Cabo Verde l-partijiet ikkonċernati assoċjati;

18.

Iqis li għandha tinġabar informazzjoni dwar il-benefiċċji li l-implimentazzjoni tal-Protokoll iġġib għall-ekonomiji lokali (impjiegi, infrastruttura, titjib soċjali);

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat tagħhom, biex iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-Protokoll u, jekk applikabbli, tat-tiġdid tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-TFUE;

20.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari tal-Kunsill, għall-fatt li l-persistenza li l-applikazzjoni proviżorja ta' ftehimiet internazzjonali tipproċedi qabel ma l-Parlament ikun ta l-approvazzjoni tiegħu mhijiex kompatibbli mal-prinċipji gwida tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, li din il-prattika tnaqqas bil-kbir l-istatus tal-Parlament bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament b'mod demokratiku, u wkoll li tagħmel ħsara lill-kredenzjali demokratiċi tal-UE kollha kemm hi;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-SFPA bejn l-UE u Cabo Verte u tieħu kont tagħhom, pereżempju, fil-proċeduri għat-tiġdid tal-Protokoll;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika ta' Cabo Verde.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0134.

(2)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(3)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 93.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/152


P9_TA(2020)0136

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019 -2024) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019-2024) (08928/2019 – C9-0011/2019 – 2019/0090(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08928/2019),

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (08894/2019),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0011/2019),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2020 (1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0012/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0137.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/153


P9_TA(2020)0137

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Guinea-Bissau (2019-2024) (Riżoluzzjoni)

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (mill-2019 sal-2024) (08928/2019 – C9-0011/2019 – 2019/0090M(NLE))

(2021/C 362/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill (08928/2019),

wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (08894/2019) (“il-Protokoll”),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0011/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (Politika Komuni tas-Sajd) (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar regoli komuni fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-PKS, inklużi l-Ftehimiet dwar is-Sajd (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2020 (3) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0013/2020),

A.

billi l-objettiv ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd bejn l-UE u l-Guinea-Bissau, fl-interess taż-żewġ partijiet, permezz tal-promozzjoni ta' politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament san u sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau, flimkien mal-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Guinea-Bissau u tal-ekonomija blu tagħha;

B.

billi, b'mod ġenerali, l-użu tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli preċedenti jitqies bħala wieħed sodisfaċenti;

C.

billi l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau huwa importanti ferm fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli konklużi min-naħa tal-UE ma' pajjiżi terzi, u bħalissa huwa t-tielet Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli l-aktar importanti f'dawk li huma fondi involuti, u joffri l-vantaġġ miżjud li hu wieħed minn tliet ftehimiet biss li jippermettu l-aċċess għas-sajd imħallat;

D.

billi l-kontribut tas-sajd tal-Guinea-Bissau għar-rikkezza tal-pajjiż huwa baxx ħafna (3,5 % tal-PDG fl-2015), għad li l-fondi li se jirċievi l-pajjiż permezz tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bħala kumpens finanzjarju għall-aċċess għar-riżorsi se jagħmel kontribut sinifikanti għall-finanzi pubbliċi nazzjonali tiegħu;

E.

billi, meta mqabbel mal-Protokoll preċedenti, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE żdiedet minn EUR 9 miljun għal EUR 11,6-il miljun fis-sena fir-rigward tal-ammont annwali għall-aċċess għar-riżorsi tas-sajd u minn EUR 3 miljun għal EUR 4 miljun fis-sena fir-rigward tal-appoġġ tal-UE għall-politika settorjali tas-sajd tal-Guinea-Bissau;

F.

billi tul il-perjodu kopert mill-Protokoll, l-opportunitajiet tas-sajd se jiġu definiti b'żewġ modi differenti: matul l-ewwel sentejn, l-isforz tas-sajd (imkejjel f'termini ta’ tunnellaġġ gross reġistrat (TGR)), u matul l-aħħar tliet snin, il-qabdiet totali permissibbli (f'tunnellati); billi din it-tranżizzjoni għandha tkun akkumpanjata, matul l-ewwel sentejn tal-Protokoll, mill-implimentazzjoni ta' sistema elettronika ta' rappurtar (SER) tal-qabdiet u l-ipproċessar tad-data tal-qabdiet;

G.

billi matul l-ewwel perjodu kopert mill-Protokoll, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-flotot tal-UE huma dawn li ġejjin: 3 700 TGR għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammar bi friża għas-sajd tal-gambli, 3 500 TGR għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammar bi friża għas-sajd tal-ħut bil-pinen u ċ-ċefalopodi u 15 000 TGR għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiċi żgħar, 28 bastiment bit-tartarun u bil-konz mgħammar bi friża għas-sajd tat-tonn, u 13-il bastiment bil-bastun u x-xlief għas-sajd għat-tonn; billi, matul it-tieni perjodu, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-flotot tal-UE huma dawn li ġejjin: 2 500 tunnellata għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammar bi friża għas-sajd tal-gambli, 11 000 għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammar bi friża għas-sajd tal-ħut bil-pinen, 1 500 tunnellata għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammar bi friża għas-sajd taċ-ċefalopodi u 18 000 tunnellata għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiċi żgħar, 28 bastiment bit-tartarun u bil-konz mgħammar bi friża għas-sajd tat-tonn, u 13-il bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-bastun u x-xlief;

H.

billi l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Guinea-Bissau kien imur lura għall-1980; billi l-protokoll preċedenti tal-Ftehim skada fit-23 ta' Novembru 2017; billi l-prestazzjoni tal-komponent tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' dawn il-ftehimiet (jiġifieri l-appoġġ settorjali) ma kinitx globalment sodisfaċenti; billi, minkejja dan, ġie rreġistrat progress fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd u fil-kapaċità tal-ispezzjoni sanitarja, bħalma ġie rreġistrat progress ukoll fil-parteċipazzjoni tal-Guinea-Bissau fil-korpi reġjonali tas-sajd; billi l-kooperazzjoni settorjali hemm bżonn li tissaħħaħ sabiex jiġi promoss aħjar l-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali u l-industriji u l-attivitajiet relatati ħalli jiġi żgurat li proporzjon akbar tal-valur miżjud maħluq mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-pajjiż jibqa' fil-Guinea-Bissau;

I.

billi, sabiex is-settur tas-sajd tal-Guinea-Bissau jiżviluppa, jeħtieġ li tiġi installata infrastruttura bażika, bħal portijiet, siti ta' ħatt l-art, faċilitajiet għall-ħżin u impjanti għall-ipproċessar, li għadhom jonqsu, bi sforz biex jiġi attirat il-ħatt l-art tal-ħut li jinqabad fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau;

J.

billi s-sena 2021 se tara l-bidu tad-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti tax-Xjenza dwar l-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli (2021-2030); billi l-pajjiżi terzi għandhom jiġu inkoraġġiti jwettqu rwol ewlieni fil-kisba tal-għarfien;

K.

billi l-kummerċ tal-prodotti tas-sajd mill-Guinea-Bissau kien ġie pprojbit min-naħa tal-UE għal bosta snin minħabba li l-pajjiż ma kienx kapaċi jikkonforma mal-miżuri sanitarji mitluba mill-UE; billi d-dewmien fil-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-laboratorju analitiku (CIPA) huwa l-ostaklu ewlieni għall-esportazzjoni tal-prodotti tas-sajd mill-Guinea-Bissau lejn l-UE; billi l-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau u l-Kummissjoni qed jaħdmu flimkien fil-proċess ta' ċertifikazzjoni sabiex ineħħu l-projbizzjoni;

L.

billi hemm bżonn li jiġi żgurat li proporzjon akbar tal-valur miżjud iġġenerat mill-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau jibqa' fil-pajjiż;

M.

billi l-impjieg dirett fis-settur tas-sajd fil-Guinea-Bissau kien limitat, anke f'dak li jirrigwarda l-impjieg ta' membri tal-ekwipaġġ lokali abbord il-bastimenti (attwalment, l-għadd ta' dawk li qed jaħdmu fuq dawn il-bastimenti huwa iktar baxx minn meta ġie konkluż il-Protokoll preċedenti) jew in-nisa, li l-għajxien u l-impjiegi tagħhom jiddependu mis-settur tas-sajd;

N.

billi meta mqabbel mal-Protokoll preċedenti, l-għadd ta' baħrin li għandhom jitħaddmu abbord fil-flotta tal-UE żdied b'mod sinifikanti; billi s-sidien tal-bastimenti tal-UE għandhom jagħmlu ħilithom biex iħaddmu abbord baħrin mill-Guinea-Bissau addizzjonali; billi l-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau għandhom ifasslu u jżommu aġġornata lista indikattiva tal-baħrin ikkwalifikati li huma kandidati li jitħaddmu abbord mill-bastimenti tal-UE;

O.

billi saru avvanzi fil-ġlieda kontra s-sajd IUU (illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat) fl-ilmijiet territorjali tal-Guinea-Bissau, bis-saħħa tal-metodi mtejba ta' superviżjoni taż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tal-Guinea-Bissau, jiġifieri dawk allokati lill-FISCAP (Spezzjoni u Kontroll tal-Attivitajiet tas-Sajd), li tinkludi korp ta' osservaturi u bastimenti tal-għassa veloċi; billi għadhom jeżistu difetti u nuqqasijiet li jridu jingħelbu, li jinkludu kwistjonijiet relatati tas-Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (Vessel Monitoring System -VMS);

P.

billi saru avvanzi f'dak li jikkonċerna t-tfassil tal-profili tal-istokkijiet demersali fiż-ŻEE tal-Guinea-Bissau, u b'mod partikolari r-“rapport tal-kampanja għall-valutazzjoni tal-istokkijiet demersali fiż-ŻEE tal-Guinea-Bissau” ta' Jannar 2019;

Q.

billi l-Guinea-Bissau hija waħda mit-13-il pajjiż li jaqgħu taħt l-ambitu tal-proġett “Improved regional fisheries governance in western Africa (PESCAO)” (Governanza reġjonali tas-sajd imtejba fl-Afrika tal-Punent (PESCAO)) adottat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017)2951 tat-28 ta' April 2017, li, fost objettivi oħra, għandu l-għan li jsaħħaħ il-prevenzjoni tas-sajd IUU u t-tweġibiet għalih billi jtejjeb il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali;

R.

billi l-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru qabel min-naħa tal-Parlament fil-Protokoll attwali ma kinitx għalkollox sodisfaċenti;

S.

billi l-Parlament għandu jiġi infurmat kif dovut fi żmien utli u fl-istadji kollha bil-proċeduri li jkollhom x'jaqsmu mal-Protokoll jew mat-tiġdid tiegħu.

1.

Jinnota l-importanza tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau, kemm għall-flotot tal-Guinea-Bissau kif ukoll għal dawk tal-UE li joperaw fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau; jenfasizza li hemm lok għal progress aktar effettiv f'dik li hi kooperazzjoni tas-sajd bejn l-UE u l-Guinea-Bissau u jtenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tieħu kull pass meħtieġ biex tmur lil hinn mill-protokolli preċedenti dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim biex jiġi żgurat li dan il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jwassal għal livelli sodisfaċenti ta' żvilupp tas-settur tas-sajd lokali f'termini globali, u għandu jkun konsistenti mal-objettivi msemmija fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 14 tan-NU li l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar jiġu konservati u użati b'mod sostenibbli għal żvilupp sostenibbli;

2.

Iqis li l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau kellhom livelli differenti ta' suċċess: filwaqt li l-ftehim offra u jipprovdi opportunitajiet tas-sajd konsiderevoli għall-bastimenti tal-UE fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u s-sidien tal-bastimenti Ewropej għamlu użu konsiderevoli minn dawn l-opportunitajiet, is-settur tas-sajd lokali, b'mod ġenerali, ma żviluppax biżżejjed jew b'mod sodisfaċenti;

3.

Jenfasizza li, fl-Artikolu 3 tiegħu, il-Protokoll jinkludi klawżola ta' nondiskriminazzjoni li permezz tagħha l-Guinea-Bissau tintrabat li ma tagħtix kundizzjonijiet tekniċi aktar favorevoli lil flotot barranin oħra li joperaw fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau li għandhom l-istess karatteristiċi u li jimmiraw li jaqbdu l-istess speċijiet; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-ftehimiet tas-sajd li l-UE għandha mal-pajjiżi terzi li jinsabu fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau;

4.

Jilqa' l-kontribut tal-bastimenti tal-UE għas-sigurtà tal-ikel fil-Guinea-Bissau permezz tal-ħatt l-art dirett, kif speċifikat fil-Kapitolu 5 tal-Anness tal-Protokoll, għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali u għall-promozzjoni tal-kummerċ u l-konsum intern tal-ħut;

5.

Iqis li tranżizzjoni fil-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd (minn ġestjoni tal-isforz tas-sajd għal ġestjoni tal-qabdiet totali permissibbli) tikkostitwixxi sfida għal dan il-Protokoll; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Guinea-Bissau jippromwovu, mingħajr dewmien, tranżizzjoni xierqa u effikaċi, li tissalvagwardja l-affidabbiltà u l-effikaċja meħtieġa tas-SER u tal-ipproċessar tad-data tal-qabdiet;

6.

Jappoġġa l-ħtieġa li jsir progress sinifikanti fl-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Guinea-Bissau, inkluża l-industrija tas-sajd u l-attivitajiet relatati, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa – inkluża l-possibbiltà ta' reviżjoni u t-tisħiħ tal-komponent ta' appoġġ settorjali tal-ftehim, flimkien ma' miżuri biex tiżdied ir-rata ta' assorbiment tal-kontribuzzjoni finanzjarja – bil-għan li dan l-objettiv jintlaħaq;

7.

Iqis li l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau mhux se jilħaq l-objettivi tiegħu jekk ma jgħinx biex tiġi stabbilita sistema ta' ġestjoni għall-isfruttament fit-tul u sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd tagħha; iqis li huwa tal-akbar importanza li d-dispożizzjonijiet spjegati fil-Protokoll dwar l-appoġġ settorjali jiġu rispettati sabiex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija nazzjonali għas-sajd u għall-ekonomija blu; jidentifika, f'dan ir-rigward, bħala oqsma ta' prijorità għall-appoġġ tal-UE, il-mobilizzazzjoni tal-assistenza teknika u finanzjarja meħtieġa sabiex:

a.

tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali, b'mod partikolari l-istrateġiji ta' governanza reġjonali u globali tas-sajd, sabiex jitqiesu l-impatti kumulattivi tal-ftehimiet differenti dwar is-sajd tal-pajjiżi fir-reġjun;

b.

jingħata appoġġ għat-tisħiħ taż-żoni tal-baħar protetti sabiex isir progress lejn ġestjoni integrata tar-riżorsi tas-sajd;

c.

tiġi żviluppata infrastruttura ewlenija għas-sajd u għall-attivitajiet relatati, bħal portijiet (kemm industrijali kif ukoll artiġjanali), siti ta' ħatt l-art, ħżin u pproċessar tal-ħut, strutturi għad-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni u laboratorji għall-analiżi tal-kwalità, bil-ħsieb li jiġi attirat il-ħatt l-art tal-ħut li jinqabad fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau;

d.

tissaħħaħ il-kapaċità tal-operaturi lokali fis-settur tas-sajd billi jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-sajjieda;

e.

jiġu mħarrġa l-professjonisti fis-settur tas-sajd;

f.

jingħata appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira,

g.

jingħata kontribut għall-kondizzjoni ekoloġika tajba tal-ambjent tal-baħar, b'mod partikolari billi jingħata appoġġ lill-ġbir tal-iskart u tal-irkaptu tas-sajd li jsir mill-atturi lokali;

h.

jiġi rikonoxxut u msaħħaħ ir-rwol tan-nisa u taż-żgħażagħ fis-sajd, u tittejjeb l-organizzazzjoni tar-rwoli tagħhom billi jingħata appoġġ lill-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-politiki ta' kooperazzjoni u ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp tagħhom, iqisu l-fatt li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-appoġġ settorjali previst fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau għandhom jikkomplementaw lil xulxin u jkunu għalkollox ikkoordinati, bil-għan li is-settur tas-sajd lokali jissaħħaħ;

9.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' impjanti tal-ħut mitħun u taż-żejt tal-ħuta fuq il-kosta tal-Afrika tal-Punent, li huma fornuti wkoll b'ħut mill-ilmijiet tal-Guinea-Bissau; jissottolinja l-fatt li s-sajd għall-ħut żgħir tal-għalf imur kontra l-prinċipju tas-sostenibbiltà u tal-forniment ta' riżorsi ta' proteini prezzjużi għall-komunità lokali; jilqa' l-espansjoni tal-faċilitajiet portwarji u ta' ħatt l-art fil-Guinea-Bissau, iżda fl-istess ħin jesprimi t-tħassib tiegħu li dan jista' jiġi segwit bil-kostruzzjoni ta' impjanti ġodda tal-ħut mitħun;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti tas-sajd mill-Guinea-Bissau lejn l-UE, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-verifika tal-kundizzjonijiet sanitarji meħtieġa u ċ-ċertifikazzjoni tal-laboratorju analitiku (CIPA), ħalli tiġi megħluba l-projbizzjoni attwali, tingħata spinta lill-iżvilupp tas-settur tas-sajd lokali u, konsegwentement, isir progress biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli;

11.

Jappoġġa l-ħtieġa li jissaħħaħ il-kontribut tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli għall-ħolqien, fil-livell lokali, ta' impjiegi diretti u indiretti, kemm fuq il-bastimenti li joperaw taħt il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli kif ukoll fl-attivitajiet tas-sajd, kemm upstream kif ukoll downstream; iqis li l-Istati Membri jista' jkollhom rwol ewlieni u jkunu parti attiva fil-bini tal-kapaċitajiet u fl-isforzi ta' taħriġ biex dan jirnexxi;

12.

Ifakkar fin-natura unika tal-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta tal-Guinea-Bissau, bħalma huma l-foresti tal-mangrovji, li jaġixxu bħala ħabitats ta' trawwim għar-riżorsi tas-sajd, u li jeħtieġu azzjoni mmirata għall-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità;

13.

Iqis li għandha tinġabar informazzjoni dwar il-benefiċċji li l-implimentazzjoni tal-Protokoll iġġib għall-ekonomiji lokali (pereżempju impjiegi, infrastruttura, titjibiet soċjali);

14.

Iqis li hemm il-bżonn li jsir titjib fil-kwantità u l-kwalità tad-data dwar il-qabdiet kollha (il-qabdiet fil-mira u dawk inċidentali), dwar l-istatus ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u, b'mod ġenerali, dwar l-impatt li għandu l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli fuq l-ekosistemi, u jqis ukoll li għandu jsir sforz biex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-Guinea-Bissau li tikseb tali data; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jiġi żgurat li l-korpi responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, jiġifieri l-Kumitat Konġunt u l-Kumitat Xjentifiku Konġunt, ikunu jistgħu joperaw mingħajr xkiel, bl-involviment tal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda artiġjanali, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd, it-trejdjunjins, ir-rappreżentanti tal-komunitajiet tal-kosta u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Guinea-Bissau;

15.

Iqis li hemm il-bżonn assolut li l-ġbir tad-data dwar il-qabdiet fil-Guinea-Bissau jittejjeb; jitlob, barra minn hekk, li jsir titjib fit-trażmissjoni tad-data ġġenerata mis-sistemi tal-VMS tal-bastimenti tal-UE permezz tal-istat tal-bandiera lill-awtoritajiet Afrikani; jitlob li jkun hemm interoperabbiltà aħjar tas-sistema tad-data;

16.

Iħeġġeġ il-pubblikazzjoni ta' rapporti dwar l-azzjonijiet li ġew appoġġati mill-appoġġ settorjali għal aktar trasparenza;

17.

Iqis li, jekk jiġri li s-sajd jingħalaq jew jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq is-sajd, bil-għan li jiġi żgurat li r-riżorsi jkunu sostenibbli, kif hemm stabbilit fil-Protokoll, il-ħtiġijiet tas-sajd lokali għandhom jiġu indirizzati l-ewwel abbażi ta' parir xjentifiku sod;

18.

Jenfasizza l-importanza tar-rekwiżit ta' bilanċ pożittiv għall-bastimenti tal-Unjoni li jistadu fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi;

19.

Jappoġġa l-ħtieġa – bil-ħsieb li tittejjeb is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd – li jittejbu l-governanza, il-kontroll u s-sorveljanza taż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau u li jiġi miġġieled is-sajd IUU, inter alia, billi jiġi intensifikat il-monitoraġġ tal-bastimenti (permezz tas-sistema ta' monitoraġġ tal-basimenti, VMS);

20.

Iħeġġeġ l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza, li jkunu jinvolvu l-pubblikazzjoni tal-ftehimiet kollha konklużi ma' stati jew entitajiet privati li jkunu taw lil bastimenti barranin aċċess għaż-ŻEE tal-Guinea-Bissau;

21.

Jenfasizza kemm hu importanti li l-opportunitajiet tas-sajd ipprovduti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jiġu allokati abbażi tal-prinċipji tal-ekwità, tal-bilanċ u tat-trasparenza;

22.

Jenfasizza kemm hu importanti li l-ħatt l-art tal-ħut fil-portijiet tal-Guinea-Bissau jikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-ipproċessar lokali u għas-sigurtà tal-ikel, kemm f'dawk li huma speċijiet kif ukoll f'dik li hi kwalità;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, il-programm settorjali pluriennali msemmi fl-Artikolu 5 tal-Protokoll u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali tagħha, informazzjoni dwar il-koordinament ta' dan il-programm mal-pjan strateġiku għall-iżvilupp tas-sajd tal-Guinea-Bissau (2015-2020), il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt, kif ukoll informazzjoni dwar is-sajd IUU fiż-żona tas-sajd tal-Guinea-Bissau, l-integrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-UE fis-settur tas-sajd tal-Guinea-Bissau (l-Artikolu 10 tal-Protokoll) u l-verifika tal-konformità mal-obbligi tas-sidien tal-bastimenti (eż. fir-rigward tal-kontribuzzjoni in natura prevista mill-Kapitolu V tal-Anness tal-Protokoll); jistieden lill-Kummissjoni biex, fi żmien l-aħħar sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll u qabel il-ftuħ tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, tressaq quddiem il-Parlament rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet assoċjati mas-sajd għall-ħut żgħir tal-għalf fir-reġjun;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra aħjar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fil-ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-UE u l-Guinea-Bissau u tieħu kont tagħhom fil-proċeduri għat-tiġdid tal-Protokoll;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Guinea-Bissau.

(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  ĠU C 58, 15.2.2018, p. 93.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0136.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/158


P9_TA(2020)0138

Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn is-São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (12199/2019 – C9-0001/2020 – 2019/0173(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/23)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12199/2019),

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (12202/2019),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0001/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0001/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/159


P9_TA(2020)0139

Ftehim UE-Żvizzera dwar il-modifika tal-konċessjonijiet tad-WTO tal-Iżvizzera (Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994) dwar il-laħam imħawwar ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kuntest ta' negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet tad-WTO lill-Iżvizzera fir-rigward ta' laħam imħawwar (12482/2019 – C9-0194/2019 – 2019/0196(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12482/2019),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera fil-kuntest ta' negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet tad-WTO lill-Iżvizzera fir-rigward ta' laħam imħawwar (12483/2019),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0194/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0092/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/160


P9_TA(2020)0141

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: assistenza teknika fuq linizjattiva tal-Kummissjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni minn EGF/2020/000 TA 2020 – Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2020)0146 – C9-0112/2020 – 2020/2062(BUD))

(2021/C 362/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0146 – C9-0112/2020),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2019/000 TA 2019 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (4),

wara li kkunsidra l-ewwel qari tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) (5),

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0109/2020]),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid neċessarja u fil-pront tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiddaħħal mill-ġdid il-kriterju dwar il-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għal valutazzjoni u approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti dawk li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

D.

billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa EUR 150 miljun fi prezzijiet tal-2011 u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jiddikjara li sa 0,5 % ta' dak l-ammont, jiġifieri EUR 179 264 000 fi prezzijiet tal-2020, jista' jsir disponibbli għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġu ffinanzjati l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

E.

billi l-ammont propost ta' EUR 345 000 jikkorrispondi għal madwar 0,19 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2020;

1.

Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li jridu jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) u l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

2.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli; itenni l-ħtieġa għal riċerka aġġornata dwar l-isfidi attwali ppreżentati mill-COVID-19 fis-suq globali u għal analiżi dwar dawn l-isfidi;

3.

Itenni l-ħtieġa għal sit web apposta, aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar il-FEG;

4.

Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku ta' data (SFC), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

5.

Jieħu nota li l-Kummissjoni se tuża l-baġit disponibbli biex torganizza żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG (membru wieħed minn kull Stat Membru) u, probabbilment fl-istess ħin, żewġ seminars bil-parteċipazzjoni tal-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali sabiex jiġi promoss in-netwerking fost l-Istati Membri;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tistieden b'mod sistematiku lill-Parlament għal dawn il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni;

7.

Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u f'dak lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li kemm l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabbiltajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

8.

Ifakkar lill-Istati Membri applikanti fir-rwol ewlieni tagħhom li jippubbliċizzaw b'mod wiesa' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji fil-mira, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lis-sħab soċjali, lill-midja u lill-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

9.

Ifakkar li skont ir-regoli attwali, il-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja b'mod permanenti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil dawk li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013;

10.

Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni tassisti, bi kwalunkwe mod possibbli, lill-Istati Membri li biħsiebhom jippreparaw applikazzjoni fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin;

11.

Barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex turi flessibbiltà u tqassar il-perjodu ta' valutazzjoni sa fejn hu possibbli meta tivvaluta kwalunkwe konformità ta' applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja;

12.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2019)0015.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2019)0019.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2020/000 TA 2020 -Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2020/986.)


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/164


P9_TA(2020)0142

Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija (COM(2020)0200 – C9-0127/2020 – 2020/2068(BUD))

(2021/C 362/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0200 – C9-0127/2020),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0105/2020),

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali;

2.

Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-“Fond”) lir-reġjuni fl-Unjoni milquta minn diżastri naturali fl-2019;

3.

Iqis li l-assistenza finanzjarja mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għandha tkun suġġetta għal distribuzzjoni ġusta lir-reġjuni u liż-żoni l-aktar milquta;

4.

Jirrimarka li, minħabba t-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali se jsiru aktar u aktar vjolenti u aktar u aktar frekwenti; jitlob li ssir riforma tal-Fond fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss sabiex jitqiesu l-konsegwenzi futuri tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jisħaq fuq il-fatt li l-Fond huwa biss strument kurattiv u li t-tibdil fil-klima jirrikjedi prinċipalment politika ta' prevenzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-Patt Ekoloġiku;

5.

Ifakkar li, skont l-Artikoli 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha timmira li twettaq l-azzjonijiet li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali tagħha filwaqt li tqis il-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi; jirrimarka li l-istess diżastru naturali f'reġjun ultraperiferiku għandu impatt soċjali u ekonomiku akbar milli fi kwalunkwe reġjun Ewropew ieħor u konsegwentement l-irkupru huwa aktar dgħajjef; jemmen, għaldaqstant, li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jibbenefikaw minn żieda fil-finanzjament fl-ambitu tal-Fond;

6.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2020/1076.)


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/166


P9_TA(2020)0143

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020: Dħul tas-surplus tas-sena finanzjarja 2019 (07764/2020 – C9-0131/2020 – 2020/2061(BUD))

(2021/C 362/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2020 adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2020 (COM(2020)0180),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020, adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Mejju 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew l-għada (07764/2020 – C9-0131/2020),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (6),

wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0104/2020),

A.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2020 is-surplus mis-sena finanzjarja 2019, li jammonta għal EUR 3 218,4 miljun;

B.

billi l-komponenti ewlenin ta' dak is-surplus huma eżitu pożittiv fuq id-dħul ta' EUR 2 414,8 miljun, u sottoinfiq fin-nefqa ta' EUR 803,6 miljun;

C.

billi fuq in-naħa tad-dħul, l-ikbar differenza tirriżulta minn imgħax ta' inadempjenza u multi (EUR 2 510,5 miljun), bl-eżitu tal-baġit kompost minn multi tal-kompetizzjoni u mgħax ta' inadempjenza, pagamenti ta' penali oħra u mgħax marbuta ma' multi u pagamenti ta' penali;

D.

billi fuq in-naħa tan-nefqa, is-sottoimplimentazzjoni fil-pagamenti mill-Kummissjoni tilħaq EUR 592,3 miljun għall-2019 (li minnhom EUR 351,5 miljun mir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u EUR 94,5 miljun f'riżerva taħt l-intestatura 3 “Sigurtà u Ċittadinanza”) u EUR 86,3 miljun għar-riporti tal-2018, u sottoimplimentazzjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' EUR 82,4 miljun għall-2019 u EUR 39 miljun għar-riporti tal-2017;

1.

Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2019, għal ammont ta' EUR 3 218,4 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

2.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mezzi disponibbli kollha u l-flus mhux użati fil-baġit tal-Unjoni, inkluż is-surplus, jintużaw biex l-assistenza finanzjarja titqassam b'ħeffa lir-reġjuni u n-negozji li ntlaqtu l-iktar mill-pandemija tal-COVID-19; jitlob, f'dak il-kuntest, lill-Istati Membri jindirizzaw kompletament it-tnaqqis mistenni fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING tagħhom li jirriżultaw mis-surplus 2019 għall-ibbaġitjar ta' azzjonijiet b'rabta mal-COVID-19, preferibbilment fil-livell tal-Unjoni, biex tiġi garantita allokazzjoni ottimali tal-fondi;

3.

Josserva li, skont il-Kummissjoni, il-multi tal-kompetizzjoni fl-2019 ammontaw għal EUR 2 510,5 miljun; iqis għal darb'oħra li għandu jkun possibli għall-baġit tal-Unjoni li jerġa' juża kwalunkwe dħul li jirriżulta minn multi jew marbut ma' pagamenti tard mingħajr tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet tal-ING; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur iż-żieda tar-riżerva proposta tal-Unjoni (Marġni Globali għall-Impenji) fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss b'ammont ekwivalenti għad-dħul li jirriżulta minn multi u penali;

4.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2020;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 57, 27.2.2020.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(6)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/168


P9_TA(2020)0144

Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2020: proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, lil Spanja, lill-Italja u lill-Awstrija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2020 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, lil Spanja, lill-Italja u lill-Awstrija (08097/2020 – C9-0146/2020 – 2020/2069(BUD))

(2021/C 362/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, adottat b'mod definittiv fis-27 ta' Novembru 2019 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3) (ir-“Regolament dwar il-QFP”),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 4/2020 adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' April 2020 (COM(2020)0190),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2020, adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Mejju 2020 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-istess jum (08097/2020 – C9-0146/2020),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija (COM(2020)0200),

wara li kkunsidra l-Artikoli 94 u 96 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0106/2020),

A.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2020 jkopri l-proposta ta' mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Awstrija wara diżastri naturali li seħħew f'dawk l-Istati Membri matul l-2019;

B.

billi għaldaqstant il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li temenda l-baġit 2020 u li żżid il-linja baġitarja 13 06 01 “Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija” b'EUR 272 498 208, kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn u kemm f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

C.

billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa strument speċjali skont id-definizzjoni fir-Regolament dwar il-QFP u l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament korrispondenti se jiġu bbaġitjati oltre l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali;

1.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2020;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 4/2020 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  ĠU L 57, 27.2.2020.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/170


P9_TA(2020)0145

Konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni UE – Moldova ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova (14205/2019 – C9-0192/2019 – 2012/0006(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/29)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14205/2019),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova (08185/2012),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0192/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0084/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Moldova.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/171


P9_TA(2020)0146

Emendar tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova (l-adeżjoni tal-Kroazja) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE (07048/2015 – C9-0195/2019 – 2015/0035(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/30)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07048/2015),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Moldova, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (07047/2015),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0195/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0083/2020);

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Moldova.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/172


P9_TA(2020)0147

Emenda tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn l-UE u l-Marokk (adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija) ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (06198/2013 – C9-0006/2019 – 2007/0181(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/31)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06198/2013),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (1),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0006/2019),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar is-Servizzi tal-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0005/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju tal-Marokk.

(1)  ĠU L 200, 27.7.2012, p. 25.

(2)  ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 259.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/173


P9_TA(2020)0148

Konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni UE-Ġordan ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (14209/2019 – C9-0193/2019 – 2010/0180(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/32)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14209/2019),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (14366/2010),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0193/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0086/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/174


P9_TA(2020)0149

Konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili UE-Ċina ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (14185/2019 – C9-0191/2019 – 2018/0155(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/33)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14185/2019),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (09702/2018),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0191/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0087/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/175


P9_TA(2020)0150

Konklużjoni tal-Ftehim dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (09556/2019 – C9-0013/2019 – 2010/0186(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/34)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (09556/2019),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Georgia (14370/2010),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0013/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0082/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Georgia.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/176


P9_TA(2020)0151

Konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni UE-Iżrael ***

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra (14207/2019 – C9-0196/2019 – 2012/0324(NLE))

(Approvazzjoni)

(2021/C 362/35)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14207/2019),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tal-Istat ta' Iżrael, min-naħa l-oħra (16828/2012),

wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0196/2019),

wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4), u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0085/2020),

1.

Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u ta' Iżrael.

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/177


P9_TA(2020)0154

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: appoġġ għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b'rabta mal-pandemija tal-COVID-19 (C(2020)02908 – 2020/2636(DEA))

(2021/C 362/36)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2020)02908),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li ma kienx se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tat-2 ta' Ġunju 2020 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1), l-Artikolu 64(6) u l-Artikolu 115(5) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 37, 53 u 173 u l-Artikolu 227(5) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

A.

billi, minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li rriżultaw, l-Istati Membri kollha u l-bdiewa fl-Unjoni kollha ħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-iskemi ta' għajnuna stabbiliti fl-Artikoli 32 sa 38 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u fl-Artikoli 39 sa 54 ta' dak ir-Regolament għas-settur tal-inbid;

B.

billi s-sitwazzjoni wasslet għal diffikultajiet finanzjarji, problemi ta' likwidità, tfixkil tas-suq u disturb serju tal-funzjonament tal-katina tal-provvista fis-settur tal-frott u l-ħaxix u fis-settur tal-inbid;

C.

billi l-Istati Membri kollha esperjenzaw diffikultajiet eċċezzjonali fl-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix u fl-Istati Membri li jipproduċu l-inbid bl-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet taħt programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid;

D.

billi, fid-dawl tan-natura bla preċedent ta' dawn iċ-ċirkostanzi kkombinati, il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet li jipprevedu flessibilitajiet u jippermettu derogi mir-regolamenti delegati applikabbli fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid;

E.

billi l-implimentazzjoni rapida ta' dawk il-flessibbiltajiet u d-derogi hija essenzjali għall-effettività u l-effikaċja tagħhom fl-indirizzar tad-diffikultajiet fit-tħaddim tal-iskemi ta' għajnuna għaż-żewġ setturi, il-prevenzjoni ta' telf ekonomiku ulterjuri u l-indirizzar tas-sitwazzjoni tas-suq u t-tfixkil fil-funzjonament tal-katina tal-provvista fis-settur tal-frott u l-ħaxix u fis-settur tal-inbid;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/179


P9_TA(2020)0155

Ebda oġġezzjoni għal att delegat: standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni prudenti

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2020 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/101 tas-26 ta' Ottubru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-valutazzjoni prudenti skont l-Artikolu 105(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (C(2020)03428 – 2020/2668(DEA))

(2021/C 362/37)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (C(2020)03428),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2020 li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li ma kienx se joġġezzjona għar-Regolament delegat,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tad-9 ta' Ġunju 2020 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 105(14) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (2),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' standard tekniku regolatorju ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA/RTS/2020/04) fit-22 ta' April 2020 skont l-Artikolu 105(14) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013,

wara li kkunsidra l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.

billi l-att delegat jemenda temporanjament il-qafas bankarju prudenzjali b'reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19; b'mod partikolari biex jiġu mmitigati l-impatti tal-volatilità estrema tas-swieq fuq il-qafas tal-valwazzjoni prudenti, l-att delegat iżid il-fattur ta' aggregazzjoni użat biex jiġi kkalkulat l-ammont totali tal-aġġustamenti fil-valwazzjoni addizzjonali (“AVA”) skont l-“approċċ bażiku” minn 50 % għal 66 % sal-31 ta' Diċembru 2020 biex jippermetti lill-istituzzjonijiet jiffaċċjaw il-volatilità estrema attwali tas-swieq; dan inaqqas l-ammont totali tal-AVA, u b'hekk jitnaqqas l-ammont li jitnaqqas mill-kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni (CETI) tal-istituzzjonijiet;

B.

billi dan l-att delegat għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi żgurat li jkun hemm għajnuna ta' kapital rapida għall-istituzzjonijiet matul dan it-trimestru li ninsabu fih u sa tmiem is-sena;

1.

Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/180


P9_TA(2020)0157

Regolamenti emendatorji (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward tal-aġġustamenti b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0310 – C9-0122/2020 – 2020/0066(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 362/38)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0310),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0122/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Mejju 2020 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2020 (2),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal- 10 ta' Ġunju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0113/2020),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 180, 29.5.2020, p. 4.

(2)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P9_TC1-COD(2020)0066

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Ġunju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta' ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, r-Regolament (UE) 2020/873.)


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/181


P9_TA(2020)0159

It-twaqqif ta' sottokumitat għal kwistjonijiet fiskali

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta' sottokumitat għal kwistjonijiet fiskali (2020/2681(RSO))

(2021/C 362/39)

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 206 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitat tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji;

2.

Jiddeċiedi li dak is-sottokumitat għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet fiskali u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni fiskali u l-evitar fiskali, kif ukoll it-trasparenza finanzjarja għal finijiet fiskali;

3.

Jiddeċiedi li, fil-Parti VI tal-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jiżdied dan il-paragrafu:

“Il-Kumitat jiġi assistit minn sottokumitat għal kwistjonijiet fiskali, għal kwistjonijiet fiskali u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni fiskali u l-evitar fiskali, kif ukoll it-trasparenza finanzjarja għal finijiet fiskali”;

4.

Jiddeċiedi li s-sottokumitat għandu jkun magħmul minn 30 Membru;

5.

Jiddeċiedi, b'referenza għad-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' Ġunju 2019 u tad-9 ta' Jannar 2020 dwar il-kompożizzjoni tal-bureaux tas-sottokumitat, li l-bureaux tal-kumitati jista' jkollhom sa erba' viċi presidenti;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

(1)  ĠU C 482, 23.12.2016, p. 160.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/182


P9_TA(2020)0160

It-twaqqif ta' Kumitat Speċjali għall-Ġlieda kontra l-Kanċer, is-setgħat, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali għall-ġlieda kontra l-kanċer (2020/2682(RSO))

(2021/C 362/40)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-finanzjament tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021-2027 (Orizzont Ewropa),

wara li kkunsidra l-missjoni ddedikata ta' Orizzont Ewropa dwar il-kanċer;

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2009 dwar “Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea” (COM(2009)0291),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanċer (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tnaqqis tal-piż tal-kanċer,

wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining tal-kanċer,

wara li kkunsidra l-linji gwida Ewropej dwar l-iskrining għall-kanċer tas-sider, il-kanċer taċ-ċerviċi u l-kanċer tal-musrana,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer (ir-raba' edizzjoni),

wara li kkunsidra l-attività u l-konklużjonijiet tal-grupp ta' interess tal-partijiet kollha Membri tal-Parlament Ewropew Kontra l-Kanċer,

wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kooperazzjoni Ewropea fil-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament, ir-riċerka u f'oqsma oħra għandha vantaġġi ċari fil-ġlieda kontra l-kanċer;

B.

billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi numru ta' bażijiet ġuridiċi għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa, inklużi l-Artikolu 114, skont liema għandu jiġi żgurat l-ogħla livell ta' protezzjoni fir-rigward tas-saħħa, is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq intern, filwaqt li jitqies b'mod partikolari kwalunkwe żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi, l-Artikolu 168, skont liema għandu jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, u l-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infermità tal-bniedem, u li jevitaw il-fonti ta' periklu għas-saħħa umana, l-Artikolu 181, li jirrikjedi lill-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku sabiex jiżguraw li kull politika nazzjonali u dik tal-Unjoni jkunu koerenti ma' xulxin u jappoġġjaw inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, u l-iskambju tal-aħjar prattika, u l-Artikolu 191, skont liema l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa;

C.

billi l-kanċer huwa t-tieni l-akbar kawża ta' mewt fl-Istati Membri wara l-mard kardjovaskulari; billi fl-2015, 1,3 miljun persuna mietu bil-kanċer fl-UE-28, li jfisser aktar minn kwart (25,4 %) tan-numru totali ta' mwiet; billi l-kanċer jaffettwa lin-nies b'mod differenti skont l-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku, il-ġenetika u fatturi oħra; billi l-bidliet demografiċi se jżidu l-inċidenza tal-kanċer fis-snin li ġejjin;

D.

billi l-kanċer ma jaffettwax biss lill-pazjent individwali, iżda wkoll lill-għeżież tal-pazjent, lill-familji, lill-ħbieb, lill-komunitajiet u lil dawk li jieħdu ħsiebu; billi l-isfidi, il-bżonnijiet psikosoċjali u t-talbiet ta' dawn il-gruppi, b'mod partikolari l-impatt fuq is-saħħa mentali, jirrikjedu attenzjoni wkoll;

E.

billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tidentifika numru ta' fatturi ta' riskju ewlenin li jistgħu jiġu evitati, jiġifieri t-tabakk, in-nuqqas ta' attività fiżika, dieta li mhijiex tajba għas-saħħa u obeżità, konsum ta' alkoħol, HPV u epatite B u C u infezzjonijiet ta' Helicobacter pylori (H. pylori), tniġġis ambjentali, inkluż esponiment għal sustanzi kimiċi u tniġġis tal-arja, aġenti karċinoġeni okkupazzjonali u radjazzjoni; billi, skont id-WHO, bejn 30 % u 50 % tal-każijiet kollha ta' kanċer jistgħu jiġu evitati; billi l-prevenzjoni toffri l-aktar strateġija fit-tul kosteffettiva għall-kontroll tal-kanċer; billi l-prevenzjoni ta' kanċers relatati ma' virus tista' tiddependi mit-tilqim; billi għandhom isiru programmi ta' prevenzjoni tal-kanċer fil-kuntest ta' programm integrat ta' prevenzjoni ta' mard kroniku minħabba li l-biċċa l-kbira tal-fatturi determinanti individwali huma fatturi ta' riskju komuni għal mard kroniku ieħor; billi l-ġlieda kontra t-tniġġis ambjentali se tkun parti minn ambizzjoni ta' tniġġis żero kif proposta fl-aġenda politika tal-Kummissjoni;

F.

billi ntweriet predispożizzjoni ġenetika għal kanċer minħabba mutazzjonijiet ta' ġeni speċifiċi; billi s-sejbien ta' dawn il-mutazzjonijiet huwa disponibbli u l-iskrining personalizzat joffri mod effiċjenti kif jitnaqqas ir-riskju ta' ċerti kanċers;

G.

billi l-programmi ta' skrining għall-kanċer jistgħu, jekk jiġu implimentati sew, joffru benefiċċji kbar u jagħmlu l-parti tagħhom fil-kuntest usa' tal-kontroll tal-kanċer;

H.

billi l-Istati Membri qed isibu diffikultajiet fil-prevenzjoni u t-trattament tal-kanċer peress li l-impatt ekonomiku tal-kanċer huwa sinifikanti u qed jiżdied;

I.

billi r-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi tirrappreżenta sors ewlieni ta' progress xjentifiku; billi industrija soda fil-livell dinji fis-settur tax-xjenzi tal-ħajja hija importanti wkoll sabiex jiġu żgurati riċerka u żvilupp privati, li huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-kanċer iżda huwa kruċjali li dawk li jfasslu l-politika jistabbilixxu l-qafas it-tajjeb sabiex l-innovazzjoni tkun ta' benefiċċju għall-pazjenti kollha u tipproteġi lill-popolazzjoni inġenerali; billi s-settur pubbliku u privat għandhom jikkollaboraw dwar dan;

J.

billi l-kanċer jibqa' waħda mill-isfidi ewlenin li se jkollhom quddiemhom iċ-ċittadini Ewropej fil-futur peress li huwa mbassar li aktar minn 100 miljun Ewropew se jkollhom dijanjożi ta' kanċer matul il-25 sena li ġejjin; billi huwa tal-akbar importanza kemm għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali kif ukoll għal dawk li jfasslu dik Ewropea li jaġixxu sabiex jiġi implimentat kontroll tal-kanċer aktar qawwi u jikkontribwixxu għall-benesseri tal-Ewropej kollha;

K.

billi jeżistu disparitajiet konsiderevoli bejn u fost l-Istati Membri fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kanċer, il-faċilitajiet ta' trattament ta' skrining, l-implimentazzjoni ta' linji gwidi dwar l-aħjar prattika bbażati fuq l-evidenza, u r-riabilitazzjoni;

L.

billi l-prezzijiet tal-mediċini jistgħu jkunu inaċċessibbli għal xi individwi u għal sistemi tal-kura tas-saħħa, bil-mediċini tal-kanċer ħafna drabi jkunu partikolarment għaljin; billi skont studju, bejn l-2010 u l-2020, in-nefqa totali fuq il-kanċer hija stmata li żdiedet b'26 %, filwaqt li n-nefqa fuq il-mediċini tal-kanċer se tkun żdiedet b'50 % (5);

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali għall-ġlieda kontra l-kanċer, li jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

jeżamina l-azzjonijiet li jsaħħu l-approċċ f'kull stadju ewlieni tal-marda: il-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament, il-ħajja bħala superstiti u l-kura palljattiva, billi tiġi żgurata rabta mill-qrib mal-missjoni ta' riċerka dwar il-kanċer fil-programm futur ta' Orizzont Ewropa u b'attenzjoni fuq il-kompetenza tal-UE;

(b)

jisma' l-provi u d-data attwali disponibbli u jirreaġixxi billi jidentifika politiki u prijoritajiet li jwieġbu l-bżonnijiet tal-pazjenti;

(c)

jevalwa l-possibbiltajiet li fihom, f'konformità mat-TFUE, l-UE tista' tieħu passi konkreti biex tiġġieled il-kanċer u f'liema każijiet huma possibbli biss rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-attenzjoni fuq l-azzjonijiet konkreti;

(d)

jevalwa l-għarfien xjentifiku dwar l-aħjar prevenzjoni possibbli tal-kanċer u jidentifika azzjonijiet speċifiċi, inkluża l-implimentazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni attwali u l-identifikazzjoni ta' miżuri futuri fl-oqsma tal-kontroll tat-tabakk, miżuri biex titnaqqas l-obeżità u jitjiebu l-għażliet nutrizzjonali, miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-alkoħol, miżuri biex jiżdiedu t-tilqim u t-trattament tal-infezzjonijiet, miżuri biex jitnaqqas l-esponiment għal sustanzi kimiċi, inklużi l-impatti kumulattivi, it-tniġġis tal-arja kif imsemmi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-esponiment għall-aġenti karċinoġeni fil-post tax-xogħol, u miżuri għall-protezzjoni kontra r-radjazzjoni; jevalwa, fejn possibbli, l-effetti kwantifikabbli ta' dawn il-miżuri;

(e)

janalizza u jivvaluta l-individwazzjoni bikrija tal-kanċer fil-forma ta' programmi ta' skrinjar sabiex jiġi żgurat li r-reviżjonijiet futuri tar-rakkomandazzjoni jiġu inkorporati b'mod rapidu u effiċjenti;

(f)

jevalwa l-aħjar mod possibbli kif tiġi appoġġjata r-riċerka sabiex jissaħħu l-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-innovazzjoni, speċjalment bl-għan li titwettaq il-missjoni l-ġdida dwar il-kanċer f'Orizzont Ewropa; jikkonċentra fuq oqsma li fihom l-Istati Membri waħedhom ma jistgħux jiksbu biżżejjed riżultati, pereżempju rigward il-kanċer fit-tfal jew kanċers rari;

(g)

jeżamina, b'mod partikolari, il-modi kif jistgħu jiġu appoġġjati provi kliniċi mingħajr skop ta' lukru sabiex jittejjeb it-trattament f'oqsma li l-industrija farmaċewtika mhijiex qed tinvestiga minħabba r-rendiment limitat tagħhom;

(h)

jivvaluta l-qafas attwali tal-leġiżlazzjoni fil-materja farmaċewtika u jevalwa hemmx bżonn bidliet sabiex jiġu inċentivati aħjar l-innovazzjoni reali u l-t-trattamenti innovattivi għall-pazjenti, b'mod partikolari biex jiġu evalwati l-possibbiltajiet biex jittejjeb it-trattament tal-kanċer fit-tfal u sabiex fl-UE jiġu armonizzati l-evalwazzjoni xjentifika tal-effikaċja, il-valur miżjud u l-proporzjon kostijiet-benefiċċji ta' kull mediċina għall-kanċer inkluż tilqim kontra l-HPV u l-applikazzjonijiet tas-saħħa elettronika;

(i)

jevalwa l-possibbiltà ta' azzjonijiet, anki fil-livell leġiżlattiv, sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp ta' standards komuni biex titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa inklużi reġistri ta' kanċer u l-istrutturi neċessarji tas-saħħa elettronika sabiex jiġu indirizzati d-diversi problemi tat-terapiji speċjalizzati, inkluż li jiġi evitat vjaġġar bla bżonn għall-pazjenti;

(j)

jevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali u, jekk hemm bżonn, jipproponi titjib biex il-pazjenti jkunu jistgħu jaraw lil dawk l-ispeċjalisti li huma l-aktar adattati għat-trattament tagħhom mingħajr ma jiġi impost piż bla bżonn;

(k)

janalizza u jivvaluta l-funzjonament tan-Networks ta' Referenza Ewropej, inkluż ir-rwol tagħhom fil-ġbir u l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-prevenzjoni u l-kontroll ta' kanċers rari;

(l)

jevalwa l-possibbiltà ta' azzjoni tal-UE biex tiffaċilita t-trasparenza tal-prezzijiet tat-trattament sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet tal-mediċini għall-kanċer kif ukoll id-disponibbiltà tagħhom, biex jiġu evitati skarsezzi ta' mediċini, u biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn u fost l-Istati Membri;

(m)

jevalwa l-possibbiltà, f'konformità mat-TFUE, li jitjiebu d-drittijiet tal-pazjenti, inklużi d-drittijiet tagħhom fuq id-data personali tagħhom (id-dritt li tintesa), u d-dritt ta' nondiskriminazzjoni – sabiex ikomplu bl-impjieg tagħhom u jerġgħu lura għax-xogħol – għal aċċess għal trattamenti tal-fertilità u tar-riproduzzjoni, għal monitoraġġ matul il-ħajja u għal kura palljattiva ottimali, u biex tiġi evitata kull diskriminazzjoni psikoloġika jew finanzjarja minħabba predispożizzjoni ġenetika għall-kanċers;

(n)

jevalwa l-possibbiltà li tittejjeb l-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u l-familji tagħhom;

(o)

jevalwa l-possibbiltajiet li tiġi appoġġjata r-riċerka fil-kura palljattiva u li jiġi xprunat skambju aktar intensiv tal-aħjar prattiki fiċ-ċentri għall-kura palljattiva u t-trattamenti palljattivi;

(p)

jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet li jqis meħtieġa fir-rigward tal-politika tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-kanċer, sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ibbażat fuq l-approċċ orjentat lejn il-pazjent; jagħmel żjarat u jorganizza seduti ta' smigħ għal dan l-għan mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mal-aġenziji rilevanti, u ma' istituzzjonijiet internazzjonali u nazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u industriji rilevanti, filwaqt li titqies il-perspettiva ta' firxa ta' partijiet ikkonċernati inklużi l-operaturi tal-qasam, il-pazjenti u l-għeżież tagħhom; jirrakkomanda kif għandhom jiġu mobilizzati fondi speċifiċi tal-UE sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet;

2.

Jenfasizza li kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha tiġi ppreżentata u, jekk ikun meħtieġ, tingħata segwitu, mill-kumitat permanenti kompetenti tal-Parlament;

3.

Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-kumitat permanenti tal-Parlament responsabbli għal kwistjonijiet dwar l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-qasam ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali mhux se jiġu affettwati jew irduppjati u għalhekk jibqgħu l-istess;

4.

Jiddeċiedi li, kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tkun tinkludi s-smigħ ta' provi ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;

5.

Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

6.

Jiddeċiedi li d-dokumenti kunfidenzjali li jirċievi l-kumitat speċjali għandhom jiġu vvalutati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jiddeċiedi wkoll li tali informazzjoni għandha tintuża biss sabiex jitfassal ir-rapport finali tal-kumitat speċjali;

7.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali se jkun magħmul minn 33 membru;

8.

Jiddeċiedi li t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali se jkun ta' tnax-il xahar, ħlief meta l-Parlament jestendi dak il-perjodu qabel l-iskadenza tiegħu, u dak il-mandat għandu jibda jiddekorri mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.

(2)  ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34.

(3)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 11.

(4)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 95.

(5)  Prasad, V., Jesús, de K., Mailankody, S., “The high price of anti cancer drugs: origins, implications, barriers, solutions.” (Il-prezz għoli tal-mediċini kontra l-kanċer: oriġini, implikazzjonijiet, ostakli, soluzzjonijiet), Nature Reviews Clinical Oncology, vol. 14 (2017), p. 381-390.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/186


P9_TA(2020)0161

It-twaqqif ta' kumitat speċjali għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni (2020/2683(RSO))

(2021/C 362/41)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 39, 40, 47 u 52 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 10, 11, 13, 16 u 17 tagħha, u l-Protokoll għal dik il-Konvenzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-eżitu tal-kumitat speċjali stabbilit b'din id-deċiżjoni għandu jipprovdi approċċ komuni, olistiku u fit-tul biex jindirizza l-evidenza ta' interferenza barranija fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, mhux biss bi tħejjija għall-elezzjonijiet ewlenin kollha nazzjonali u Ewropej iżda b'mod sostnut madwar l-UE, f'għadd kbir ta' forom, inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni dwar il-media tradizzjonali u soċjali biex isawru l-opinjoni pubblika, l-attakki ċibernetiċi li jimmiraw lejn l-infrastruttura kritika, l-appoġġ finanzjarju dirett u indirett kif ukoll il-koerċizzjoni ekonomika tal-atturi politiċi u s-subverżjoni mis-soċjetà ċivili;

B.

billi l-inċidenti kollha rrapportati ta' interferenza barranija fil-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi jirrappreżentaw mudell sistematiku li kien rikorrenti matul dawn l-aħħar snin;

C.

billi tentattivi min-naħa ta' atturi statali minn pajjiżi terzi u minn atturi mhux statali biex jinterferixxu fil-funzjonament tad-demokrazija fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, kif ukoll biex jagħmlu pressjoni fuq il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE permezz ta' ndħil malizzjuż, huma parti minn tendenza usa' esperjenzata mid-demokraziji madwar id-dinja;

D.

billi l-interferenza barranija tintuża flimkien ma' pressjoni ekonomika u militari biex tkun ta' ħsara għall-unità Ewropea;

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, li jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

li jwettaq analiżi bir-reqqa tal-investigazzjonijiet li turi li nkisru jew li ġew evitati regoli elettorali kruċjali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-kampanji, b'allegazzjonijiet ta' nfiq politiku minn diversi forom legali u illegali ta' veikoli u donaturi tat-tiben minn sorsi ta' pajjiżi terzi;

(b)

li jidentifika oqsma possibbli li jkunu jirrikjedu azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jistgħu jirriżultaw f'intervent mill-pjattaformi tal-media soċjali bil-għan li jiġi tikkettat il-kontenut kondiviż mill-bots, jiġu rieżaminati l-algoritmi sabiex kemm jista' jkun isiru trasparenti fil-fatturi li jwassluhom biex juru, jipprijoritizzaw, jikkondividu, ineħħu l-grad u l-kontenut, u jagħlqu l-kontijiet ta' persuni involuti f'imġiba mhux awtentika kkoordinata online jew f'attivitajiet illegali li għandhom l-għan li jfixklu b'mod sistematiku l-proċessi demokratiċi jew li jħeġġu d-diskors ta' mibegħda, mingħajr ma jikkompromettu l-libertà ta' espressjoni;

(c)

li jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar kif tista' tittejjeb ir-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-interferenza barranija fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, mhux esklussivament mill-awtoritajiet pubbliċi iżda anke f'kooperazzjoni ma' kumpaniji tat-teknoloġija u tal-media soċjali u s-settur privat inġenerali sabiex titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol, id-dmir u r-responsabbiltà li dawn għandhom fil-ġlieda kontra l-interferenza barranija filwaqt li ma jfixklux il-libertà ta' espressjoni;

(d)

li jivvaluta azzjonijiet nazzjonali li jistgħu jipprovdu restrizzjonijiet stretti fuq is-sorsi ta' finanzjament politiku, peress li atturi barranin ikunu sabu modi legali u illegali biex jevitaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u jkunu offrew appoġġ moħbi lill-alleati tagħhom billi jkunu ħadu self mingħand banek barranin, ipprovdew oġġetti ta' valur in natura, permezz ta' ftehimiet ta' xiri u ta' kummerċ, kumpaniji fittizji, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, ċittadini donaturi tat-tiben, teknoloġiji emerġenti li joffru l-anonimità, reklami online, outlets tal-mezzi tax-xandir online, u permezz tal-faċilitazzjoni ta' attivitajiet finanzjarji; li jidentifika oqsma possibbli li jkunu jirrikjedu azzjonijiet rigward il-finanzjament ta' partiti politiċi u kampanji politiċi;

(e)

li jissuġġerixxi azzjoni koordinata fil-livell tal-UE biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu, inklużi attakki ċibernetiċi fuq miri militari u mhux militari, operazzjonijiet ta' hacking u tixrid immirati lejn il-leġiżlaturi, l-uffiċjali pubbliċi, il-ġurnalisti, il-partiti politiċi u l-kandidati, kif ukoll l-ispjunaġġ ċibernetiku għall-fini ta' serq tal-proprjetà intellettwali korporattiva u s-serq ta' data sensittiva dwar iċ-ċittadini, peress li dan it-theddid la jista' jiġi indirizzat unikament mill-awtoritajiet nazzjonali li jkunu qed jaħdmu waħedhom u lanqas purament mill-awtoregolamentazzjoni tas-settur privat, iżda jirrikjedi approċċ ikkoordinat b'ħafna livelli u bil-parteċipazzjoni ta' ħafna partijiet ikkonċernati; li jivvaluta l-aspett tas-sigurtà ta' dan it-theddid, li jista' jkollu implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali serji għaċ-ċittadini Ewropej;

(f)

li jinvestiga dwar id-dipendenza tal-UE fuq it-teknoloġiji barranin fil-ktajjen tal-provvista tal-infrastruttura kritika, inkluża l-infrastruttura tal-internet, inter alia, hardware, software, applikazzjonijiet u servizzi, kif ukoll dwar l-azzjonijiet meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-ġlieda kontra l-komunikazzjoni strateġika ta' partijiet terzi ostili u biex jiġu skambjati l-informazzjoni u l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; li jappoġġa u jħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-iskambju ta' informazzjoni, għarfien u prattiki tajba sabiex jiġi miġġieled it-theddid u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kurrenti;

(g)

li jidentifika, jivvaluta u jipproponi modi biex jindirizzaw il-ksur tas-sigurtà fl-istituzzjonijiet tal-UE;

(h)

li jiġġieled kontra kampanji ta' informazzjoni u komunikazzjoni strateġika ta' pajjiżi terzi malizzjużi, inklużi dawk permezz ta' atturi u organizzazzjonijiet domestiċi Ewropej, li jagħmlu ħsara lill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea u li jinħolqu biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika Ewropea sabiex ikun aktar diffiċli li tinkiseb pożizzjoni komuni tal-UE, inkluż dwar kwistjonijiet tal-PESK u tal-PSDK;

(i)

li jistieden lis-servizzi u lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif jista' jqis rilevanti u effettiv sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu;

2.

Jisħaq fuq il-fatt li r-rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha titqies mill-kumitati permanenti kompetenti f'xogħolhom;

3.

Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi disponibbli tal-kumitat permanenti tal-Parlament b'responsabbiltà għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-qasam ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali mhux se jiġu affettwati jew duplikati, u għalhekk jibqgħu l-istess;

4.

Jiddeċiedi li kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tkun tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali, jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;

5.

Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

6.

Jiddeċiedi li dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jirċievi għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi, barra minn hekk, li tali informazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali;

7.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali se jkun magħmul minn 33 Membru;

8.

Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali se jkun ta' 12-il xahar u li l-mandat tiegħu għandu jibda mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu;

9.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali jista' jippreżenta rapport ta' nofs it-terminu lill-Parlament, u li għandu jippreżenta rapport finali li jkun fih sejbiet fattwali u rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-kumitati permanenti skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/189


P9_TA(2020)0162

It-twaqqif ta' kumitat speċjali għall-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali (2020/2684(RSO))

(2021/C 362/42)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea għandha kompetenzi ċari fil-qasam tal-aġenda diġitali u l-intelliġenza artifiċjali skont l-Artikoli 4, 13, 16, 26, 173, 179, 180, 181, 182, 186 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi l-eżitu tal-kumitat speċjali b'dan stabbilit għandu jkun approċċ olistiku li jipprovdi pożizzjoni komuni u fit-tul li tenfasizza l-valuri u l-objettivi ewlenin tal-UE relatati mal-intelliġenza artifiċjali fl-era diġitali;

C.

billi huwa importanti li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni diġitali tkun iċċentrata fuq il-bniedem u konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D.

billi l-użu tal-intelliġenza artifiċjali jinvolvi sfidi sinifikanti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, bħal, iżda mhux biss, il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-privatezza, kif ukoll żviluppi teknoloġiċi sinifikanti u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi;

E.

billi t-tranżizzjoni diġitali se jkollha impatt fuq kull aspett tal-ekonomija u tas-soċjetà;

F.

billi d-diġitalizzazzjoni se tittrasforma l-industrija u s-swieq tagħna u, għalhekk, il-leġiżlazzjoni eżistenti għandha tiġi adattata;

G.

billi huwa importanti li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku li tirriżulta mid-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar l-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali, li jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin, definiti b'mod strett:

(a)

li janalizza l-impatt futur tal-intelliġenza artifiċjali fl-era diġitali fuq l-ekonomija tal-UE, b'mod partikolari fuq il-ħiliet, l-impjiegi, it-teknoloġija finanzjarja, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, it-turiżmu, l-agrikoltura, l-ambjent, id-difiża, l-industrija, l-enerġija u l-gvern elettroniku;

(b)

li jkompli jinvestiga l-isfida tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-kontribut tagħha għall-valur tan-negozju u t-tkabbir ekonomiku;

(c)

li janalizza l-approċċ ta' pajjiżi terzi u l-kontribut tagħhom biex jikkomplementaw l-azzjonijiet tal-UE;

(d)

li jissottometti lill-kumitati permanenti responsabbli tal-Parlament evalwazzjoni li tiddefinixxi objettivi komuni tal-UE fuq perjodu ta' żmien medju u twil u jinkludi l-passi ewlenin meħtieġa biex jintlaħqu, billi juża bħala punt ta' tluq il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin, ippubblikati fid-19 ta' Frar 2020:

Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa (COM(2020)0067),

Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),

White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja (COM(2020)0065),

Rapport dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),

inkluż pjan direzzjonali dwar “Ewropa adattata għall-era diġitali”, li għandu jipprovdi lill-UE bi pjan strateġiku li jiddefinixxi l-objettivi komuni tagħha fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul u l-passi ewlenin meħtieġa biex jintlaħqu;

2.

Jenfasizza li kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha tiġi ppreżentata u, jekk ikun meħtieġ, tingħata segwitu, minn kumitati permanenti kompetenti tal-Parlament;

3.

Jiddeċiedi li s-setgħat, il-persunal u r-riżorsi disponibbli tal-kumitat permanenti tal-Parlament b'responsabbiltà għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-qasam ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali mhux se jiġu affettwati jew duplikati, u għalhekk se jibqgħu l-istess;

4.

Jiddeċiedi li kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tkun tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali, jew skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;

5.

Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

6.

Jiddeċiedi li d-dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jkun irċieva għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 221 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi wkoll li tali informazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali;

7.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali se jkun magħmul minn 33 Membru;

8.

Jiddeċiedi li l-mandat tal-kumitat speċjali se jkun ta' 12-il xahar u li l-mandat tiegħu għandu jibda mid-data tal-laqgħa kostituttiva tiegħu;

9.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali jista' jippreżenta rapport ta' nofs it-terminu lill-Parlament, u li għandu jippreżenta rapport finali li jkun fih sejbiet fattwali u rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-kumitati permanenti skont l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).


Il-Gimgħa 19 ta’ Ġunju 2020

8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/191


P9_TA(2020)0163

Twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni jew lil hinn minnha, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta’Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport fl-Unjoni u lil hinn minnha, u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat tiegħu (2020/2690(RSO))

(2021/C 362/43)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba preżentata minn 183 Membru bl-għan li jitwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta responsabbli mill-eżami ta' allegazzjonijiet ta' ksur fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li tirregola t-trasport tal-annimali ħajjin kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (2),

wara li kkunsidra s-sentenza tat-23 ta' April 2015 tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-424/13 (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' ksur fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri u l-infurzar mill-Kummissjoni Ewropea tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

2.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu:

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi fuq l-evidenza ta' ksur serju u sistematiku tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 li jseħħ meta l-annimali jiġu ttrasportati ħajjin ġewwa l-Unjoni u lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni ġiet infurmata regolarment bil-ksur sistematiku u sever li jseħħ waqt it-trasport tal-annimali ħajjin. Mill-2007, il-Kummissjoni rċeviet madwar 200 rapport dwar ksur tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Fl-2016, id-ditta legali Conte & Giacomini, f'isem l-Animal Welfare Foundation/Tierschutzbund Zürich (AWF/TSB), ressqet ilment formali quddiem il-Kummissjoni dwar il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 waqt it-trasport tal-annimali mill-Ewropa lejn it-Turkija bit-triq (4), u talbet lill-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri involuti fi prattiki illegali,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' spazju u dwar l-ispazju għar-ras stabbiliti fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (g), ta’ u fil-Kapitolu II, punt 1.2, il-Kapitolu III, punt 2.3, u l-Kapitolu VII tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-mezzi ta' trasport bit-triq u ta' bastimenti għat-trasport tal-bhejjem, stabbiliti fl-Artikoli 7, 18 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-tisqija u t-tagħlif fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (h), ta’, u fil-Kapitolu V, punt 1.4, punt 1.5 u punt 2.1 (a) u (b), u fil-Kapitolu VI, punti 1.3 u 2.2 tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-materjal ta' friex stabbiliti fil-Kapitolu II, punt 1.1 (h) u punt 1.5, u fil-Kapitolu VI, punt 1.2, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-temperatura u s-sistema ta' ventilazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu II, punt 1.1(b), fil-Kapitolu III, punt 2.6, u fil-Kapitolu VI, punt 3.1, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, il-projbizzjoni tat-trasport ta' annimali li ma jkunux f'saħħithom prevista fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (b), ta’, u fil-Kapitolu I tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni ta' ċerti annimali stabbiliti fil-Kapitolu III, punt 1.12, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet addizzjonali dwar vjaġġi fuq distanza twila stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’, u fil-Kapitolu VI tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli li għandhom jitwettqu stabbiliti fl-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li, f'każ ta' ksur, jieħdu miżuri speċifiċi u jinnotifikaw il-ksur, stabbilit fl-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tipprevjeni u tnaqqas id-dewmien waqt it-trasport, u l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu f'dan il-każ, stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ta' annimali mhux miftuma, stabbiliti fil-Kapitolu V, punt 1.4(a), tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar it-trasport ta' annimali ħajjin bil-baħar, inklużi l-prattiki ta' tagħbija u l-istrutturi fuq il-bastimenti, stabbiliti fl-Artikoli 19, 20 u 21 ta’, u fil-Kapitolu II, punti 1 u 3, il-Kapitolu III, punt 1, u l-Kapitolu IV tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar il-mezzi ta' trasport stabbiliti fil-Kapitolu II, punti 1, 2 u 5, tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġar tal-annimali, inklużi l-operazzjonijiet ta' tagħbija u ta' ħatt stabbiliti fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, punt (e), ta’, u fil-Kapitolu III, punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.6, 1.7, 1.8, 1.9, u 1.11 tal-Anness I, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar l-ippjanar tar-rotta u r-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Artikolu 5(4), l-Artikolu 8, l-Artikolu 14(1), punti (a), (b) u (c), u l-Artikolu 21(2) ta’, u fl-Anness II, għar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'’mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, id-dispożizzjonijiet dwar id-dmirijiet u l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tinforza b'mod effettiv, u tal-Istati Membri li jimplimentaw u jinfurzaw b'mod effettiv, ir-Regolament (KE) Nru 1/2005 barra l-Unjoni, f'konformità mas-sentenza tat-23 ta' April 2015 tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) fil-Kawża C-424/13; fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li r-Regolament (KE) Nru 1/2005 jimponi obbligi serji mhux biss fuq it-trasport ta' annimali vertebrati ħajjin li jsir kollu kemm hu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fuq operazzjonijiet ta' trasport li jkollhom il-punt tat-tluq tagħhom f'dak it-territorju u d-destinazzjoni tagħhom f'pajjiż terz. Fl-istess sentenza l-Qorti ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità meta jawtorizzaw vjaġġi li jsiru f'pajjiżi terzi,

jinvestiga nuqqasijiet potenzjali ta' osservanza tad-dmir ta' kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li huma rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-inkjesta; għal dak l-għan, jivvaluta, b'mod partikolari, jekk kwalunkwe nuqqas ta' osservanza bħal dan jistax jirriżulta mill-allegat nuqqas li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi evitat l-operat ta' mezzi ta' trasport b'tali mod li l-identità tas-sidien benefiċjarji tinħeba mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti, u intermedjarji oħrajn, u jiġi ffaċilitat il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 1/2005,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-missjoni tal-OIE li timplimenta standards internazzjonali għall-benesseri tal-annimali waqt it-trasport,

jinvestiga l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tirrispetta l-valuri kummerċjali tal-Unjoni stipulati fl-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE “Kummerċ għal Kulħadd”, speċjalment b'rabta mal-prattiki orribbli ta' trasport iddokumentati f'pajjiżi terzi, li huma kritiċi mhux biss mill-perspettiva tal-benesseri tal-annimali, iżda anke f'termini ta' sigurtà tal-ikel u saħħa pubblika,

jagħmel kull rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa f'din il-kwistjoni, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq;

3.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni;

4.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta għandu jqis f'ħidmietu kwalunkwe żvilupp rilevanti li jfeġġ matul il-mandat tal-kumitat u li jkun fil-kompetenza tiegħu;

5.

Jiddeċiedi li kwalunkwe rakkomandazzjoni mfassla mill-Kumitat ta' Inkjesta għandha tiġi indirizzata mill-kumitati permanenti rilevanti;

6.

Jiddeċiedi li l-Kumitat ta' Inkjesta se jkun magħmul minn 30 membru;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(1)  ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 2015, Zuchtvieh-Export GmbH vs Stadt Kempten, C-424/13, ECLI:EU:C:2015:259.

(4)  (CHAP(2016) 01703-01707-01708-01709-01710-01711-01712-01713-01714-01715-0171601717-01718). F'Ottubru 2016, id-ditta legali Conte & Giacomini bagħtet integrazzjoni tal-ilment lill-Kummissjoni.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/195


P9_TA(2020)0166

Linji gwida ġenerali għall-Baġit 2021, Taqsima III

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-Baġit 2021, Taqsima III – Kummissjoni (2019/2213(BUD))

(2021/C 362/44)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) tat-8 ta' Ottubru 2018 dwar it-Tisħin Globali ta' 1,5 o(1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (6) u d-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

wara li kkunsidra r-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' qbil (7) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020 dwar xibka ta' sikurezza biex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-programmi tal-Unjoni: l-istabbiliment ta' pjan ta' kontinġenza għall-QFP (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (12),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (14),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2021 (06092/2020),

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU,

wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Iżvilupp; mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel; mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija; mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur; mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu; mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali; mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali; mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni; mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; mill-Kumitat għall-Iżvilupp u mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0110/2020),

A.

billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi mhux mistennija u bla preċedent ta' saħħa, ekonomika, soċjali u ambjentali minħabba l-pandemija tal-coronavirus COVID-19;

B.

billi dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma jistgħux jiġu indirizzati b'baġit imfassal għal “żamma tal-istatus quo”;

C.

billi, skont l-Artikolu 311 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi ta' politika tagħha u l-baġit għandu jiġi ffinanzjat kompletament mir-riżorsi proprji;

D.

billi skont l-Artikolu 312 tat-TFUE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jiġi adottat mill-Kunsill b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu;

E.

billi l-QFP kurrenti jintemm fi tmiem l-2020, u billi l-2021 għandha tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' dak li jmiss f'forma riveduta u mfassla mill-ġdid;

F.

billi l-Parlament ilu lest biex jinnegozja l-QFP sa minn Novembru 2018, iżda s'issa l-Kunsill naqas milli jieħu sehem fi kwalunkwe taħdita sinifikanti mal-Parlament lil hinn mill-kuntatt minimu fil-qafas tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali; billi l-perjodu ta' żmien biex jintlaħaq ftehim fil-Kunsill Ewropew ġie estiż ripetutament;

G.

billi fis-27 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat proposta aġġornata għall-QFP li jmiss;

H.

billi x-xjentisti tal-IPCC, fir-rapport l-aktar reċenti tagħhom, jitolbu azzjoni radikali biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni ekoloġika, fid-dawl tat-twissija tagħhom li l-konċentrazzjoni tas-CO2 żdiedet tliet darbiet aktar mgħaġġla fl-2018-2019 milli fis-snin sittin, u dan jissottolinja l-fatt li fadal biss ftit snin biex jiġi evitat it-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali tiegħu milli jispiċċa irriversibbilment bla kontroll;

I.

billi fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-vittmi tal-vjolenza sessista jistgħu jkunu esposti għal min jabbuża għal perjodi twal ta' żmien u jinqatgħu mill-appoġġ soċjali u istituzzjonali, kif turi d-data f'diversi pajjiżi tal-UE, u billi n-nisa huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat fi professjonijiet fejn ir-riskju ta' infezzjoni huwa għoli;

Niffaċċjaw il-kriżi COVID-19: baġit għall-protezzjoni u l-innovazzjoni…

1.

Jinsisti li l-baġit tal-UE huwa vitali biex jirrispondi għall-isfidi ffaċċjati mill-Unjoni u li saru aktar viżibbli u akuti mill-kriżi COVID-19, u li jeħtieġ li jirrifletti l-grad ta' ambizzjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet; jisħaq, għalhekk, li l-fokus primarju tal-baġit 2021 għandu jkun li jittaffew l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jappoġġja l-irkupru, mibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali;

2.

Jenfasizza li l-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha jridu juru solidarjetà sħiħa ma' dawk l-aktar fil-bżonn, billi bħala komunità jiġbdu ħabel wieħed u jiżguraw li l-ebda pajjiż ma jitħalla lura jiġġieled waħdu din il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, inkluż permezz ta' baġit 2021 proporzjonat ma' din l-isfida storika;

3.

F'dan il-kuntest, jenfasizza li l-baġit 2021 għandu jkun l-ewwel wieħed minn QFP aġġornat, orjentat mill-ġdid u ambizzjuż ħafna għall-2021-2027;

4.

F'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020, itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi pjan ta' kontinġenza tal-QFP sal-15 ta' Ġunju 2020, abbażi tal-estensjoni awtomatika tal-limiti massimi tal-2020, sabiex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-programmi tal-UE u tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzjament; jisħaq li dan il-pjan ta' kontinġenza tal-QFP għandu jippermetti l-estensjoni tal-programmi eżistenti tal-UE u l-iffokar mill-ġdid tagħhom fuq l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi, kif ukoll għall-istabbiliment ta' strumenti u inizjattivi ġodda l-aktar urġenti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' diskontinwità jew ta' estensjoni diżordinata tal-QFP attwali u l-programmi fl-2021, u li jiġi garantit li l-Unjoni tkun tista' twettaq l-operazzjonijiet tagħha u tipprovdi rispons ambizzjuż għall-kriżijiet u strateġija ta' rkupru;

5.

Jissottolinja li l-ebda Stat Membru waħdu se jkun jista' jiffinanzja pjan ta' rkupru massiv, sakemm ikun meħtieġ, biex jiffaċċja l-kriżi COVID-19 u li, jekk ikun iffinanzjat biss b'dejn, il-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali jkunu limitati ħafna fl-ammont u fid-durata tagħhom; jinsisti li l-pjan ta' rkupru jrid jinkludi komponent ta' investiment massiv iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni mill-2021, u jitlob, għalhekk, li l-baġit 2021 ikun parti importanti minn dan il-pjan ta' rkupru;

6.

Jemmen li l-pjan ta' rkupru jeħtieġ jinbena fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna biex tinbena mill-ġdid l-ekonomija tagħna, tiġi żgurata r-reżiljenza u l-inklużjoni, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti tal-pjaneta, jiġu protetti l-benessri u s-saħħa tan-nies minn riskji ulterjuri u impatti ambjentali, jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-konverġenza, b'mod partikolari permezz ta' investiment fl-SMEs u s-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi, bħat-turiżmu, u fl-iżvilupp ta' infrastruttura u servizzi pubbliċi sostenibbli u tas-setturi strateġiċi, bħas-settur tas-saħħa, li jindirizzaw il-kriżi fuq quddiem nett; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi abbozz ta' baġit 2021 li jkun konformi ma' dawn il-prijoritajiet;

7.

Iqis li l-aspett tad-dħul tal-baġit tal-UE jrid jitqies bħala għodda biex jinkisbu l-politiki tal-UE; jissottolinja li, sabiex tkun koperta n-nefqa supplimentari mġarrba mill-kriżi u biex titnaqqas il-predominanza tal-kontribuzzjonijiet tal-ING fil-baġit tal-UE, riżorsi proprji addizzjonali ġodda li jidħlu direttament fil-baġit tal-UE bħala dħul ġenerali jeħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fl-2021; iqis li n-nuqqas ta' riżorsi proprji ġodda ser ikollu konsegwenzi politiċi negattivi fuq il-baġit tal-Unjoni għall-2021 u ser jipperikola l-aġenda politika ġdida tal-Kummissjoni; iqis, f'dan il-kuntest, il-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riżorsi proprji minn Mejju 2018 bħala punt ta' tluq tajjeb li jeħtieġ li jiġi approfondit b'mod wiesa' fid-dawl tal-isfidi u l-kriżi attwali; ifakkar, kif espress fir-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2019, li l-Parlament Ewropew mhuwiex se jagħti l-kunsens tiegħu għall-QFP 2021-2027 mingħajr qbil dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' ġabra ta' riżorsi proprji ġodda;

8.

Huwa konvint li l-kriżi attwali m'għandhiex iddgħajjef l-ambizzjoni li nimxu lejn l-objettiv tal-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, li tirrikjedi tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030; ifakkar li r-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet tal-2019 tal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) jitlob tnaqqis globali ta' gassijiet b'effett serra ta' 7,6 % kull sena biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal temperatura ta' inqas minn 1,5 oC, jiġifieri tnaqqis ta' madwar 6,8 % kull sena fil-livell tal-UE; jenfasizza li dan jirrappreżenta sfida enormi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tranżizzjoni sostenibbli, soċjalment ġusta tant meħtieġa, li għandha tqis il-punti ta' tluq differenti tar-reġjuni tal-UE u tal-Istati Membri u tkun akkumpanjata minn ħolqien ta' impjiegi fuq skala massiva; jinsisti li sabiex nirnexxu f'din l-isfida bla preċedent f'għaxar snin biss, hija meħtieġa azzjoni urġenti, sostnuta minn baġit tal-UE b'saħħtu mill-2021;

9.

Jinsab imħasseb dwar aktar konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi tal-kriżi jekk l-UE ma tgħammarx lilha nnifisha malajr b'għodod ġodda u effiċjenti biex tipproteġi l-koeżjoni soċjali, tippreserva l-impjiegi u tipprevjeni sensji massivi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta għal programm ta' Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (SURE) u l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva għal skema Ewropea ta' Riassigurazzjoni tal-Qgħad bil-għan li tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli;

… sabiex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali, ambjentali, ekonomiċi u finanzjarji li qed jikbru

10.

Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni għal Patt Ekoloġiku Ewropew u Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;

11.

Jinnota, madankollu, li sabiex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis b'40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra (GHG) sal-2030, u ż-żieda li ġejja fir-rigward ta' din l-ambizzjoni, il-Kummissjoni stmat li se jkun meħtieġ li jitnaqqas id-distakk fil-finanzjament b'mill-inqas EUR 260 biljun kull sena kif ukoll spejjeż addizzjonali għall-protezzjoni ambjentali, inklużi l-miżuri ta' adattament soċjali; jemmen li sabiex jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG tal-UE u l-marka tal-karbonju ġenerali, il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju (CBAM), is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u l-liġi tal-UE dwar il-klima għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ għal qabża kbira fl-isforzi politiċi u finanzjarji; iqis li tranżizzjoni ġusta, bħala parti inerenti mit-tweġiba għall-kriżi, teħtieġ finanzjament ġust u adegwat;

12.

Itenni li l-mandat tal-Parlament għall-QFP ġie stabbilit fir-rapport interim tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-limiti massimi, l-allokazzjonijiet ta' programmi, ir-riżorsi proprji u d-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-prinċipji orizzontali, bħal pereżempju l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-klima u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li r-riżultat tan-negozjati tal-QFP se jiddetermina ħafna l-livell ta' finanzjament tal-programmi tal-UE għall-perjodu li jmiss u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-perjodu 2021-2027 għandhom jiġu stabbiliti għal EUR 1 324,1 biljun fi prezzijiet tal-2018, li se jkun jirrappreżenta 1,3 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tas-27 Stat Membru tal-UE; b'riflessjoni ta' din il-pożizzjoni, huwa determinat li jiddefendi baġit ta' EUR 192,1 biljun tal-2021 fi prezzijiet kurrenti f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jissottolinja li approprjazzjonijiet addizzjonali kbar aktar minn din il-pożizzjoni huma meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għall-kriżi li għaddejja bħalissa;

13.

Ifakkar fil-pożizzjoni li l-miri tal-integrazzjoni tal-klima u l-bijodiversità tal-QFP 2021-2027 iridu jmorru lil hinn mil-livelli tal-objettivi tal-perċentwali ta' nfiq stabbiliti fir-rapport interim; għandu l-għan, għalhekk, li jikseb livell ta' nefqa għall-bijodiversità ta' 10 % u livell ta' nefqa għall-integrazzjoni tal-klima ta' 30 % għall-2021; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji ċari ta' eliġibbiltà għal metodoloġija ġdida strinġenti u komprensiva, fil-forma ta' Regolament Qafas, għad-definizzjoni u l-intraċċar tan-nefqa rilevanti għall-klima u l-bijodiversità f'konformità mal-prinċipju “tagħmilx ħsara”, flimkien mal-miżuri ta' korrezzjoni korrispondenti, fejn rilevanti, u l-mekkaniżmu ta' protezzjoni biex jiġu identifikati l-impatti negattivi potenzjali tal-azzjonijiet tal-UE fuq il-bijodiversità u l-klima f'konformità mal-impenji tiegħu skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-appell tiegħu għat-tneħħija gradwali progressiva ta' sussidji fuq il-karburanti fossili diretti u indiretti;

14.

Jappoġġja l-mobilizzazzjonijiet tal-fondi u l-flessibbiltà biex jiġu mmobilizzati fondi għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) għal miżuri relatati mal-COVID-19 bħalma huma l-iżvilupp ta' vaċċini, trattamenti ġodda, testijiet dijanjostiċi u sistemi mediċi biex tiġi evitata l-firxa tal-coronavirus u jiġu salvati l-ħajjiet;

15.

Jissottolinja ferm li l-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni jeħtieġu soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul; jenfasizza r-rwol kruċjali tar-R&Ż biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi, realistiċi u implimentabbli għaċ-ċittadini, għan-negozji u għas-soċjetà; jenfasizza li Orizzont Ewropa se jkun il-programm ewlieni għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ġodda għall-klima; jitlob finanzjament akbar għall-programmi kollha ta' R&Ż sabiex tiġi stabbilita l-Unjoni bħala mexxejja globali għat-teknoloġiji ekoloġiċi u tissaħħaħ il-kompetittività globali tagħha fuq skala akbar, titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq teknoloġiji ewlenin barranin, issir mexxejja fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs), l-intelliġenza artifiċjali (IA) u ċ-ċibersigurtà, jiġu żviluppati trattamenti ġodda għal mard serju bħall-kanċer, u biex jinbnew kapaċitajiet ta' proċessar tas-supercomputing u tad-data;

16.

Jinnota bi tħassib kbir li ħafna proposti eċċellenti għar-riċerka ma jistgħux jiġu implimentati, mhux minħabba l-kwalità ħażina, iżda minħabba s-sottofinanzjament sinifikanti tal-programmi rilevanti; jisħaq li r-riċerka u l-innovazzjoni huma swieq kompetittivi ħafna, fejn ir-riċerkaturi jiġu attirati lejn reġjuni oħra tad-dinja minħabba n-nuqqas ta' opportunitajiet ta' finanzjament fl-Ewropa; jissottolinja li r-Renju Unit mhux ser jibqa' benefiċjarju ewlieni tal-bosta programmi ta' R&Ż tal-Unjoni iżda minflok ser ikun kompetitur b'saħħtu; jistieden lill-Kunsill iqis il-fatt li kull diskrepanza ta' EUR 10 biljun f'Orizzont Ewropa se tirriżulta f'telf tal-PDG ta' EUR 110 biljun matul l-25 sena li ġejjin; jikkonkludi li l-ambizzjonijiet baġitarji baxxi għar-R&Ż jikkontradixxu kwalunkwe wegħda favorevoli għall-kompetittività jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi li għad fadal biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta' 3 % tal-PDG;

17.

Jissottolinja li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport jista' jilħaq iż-żewġ objettivi li tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE fil-kuntest attwali u l-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, kif ukoll li ssir bidla lejn mobilità sostenibbli, li tiddependi b'mod partikolari fuq it-tlestija tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), Shift2Rail u l-politiki tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE); jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-proġetti kollha tal-FNE mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

18.

Itenni l-fatt li industrija spazjali kompetittiva hija vitali għall-panorama imprenditorjali tal-Ewropa billi toffri impjiegi ta' kwalità għolja, attivitajiet ta' R&Ż sinifikanti u tiżgura l-awtonomija ta' infrastruttura Ewropea tas-satelliti; jenfasizza l-benefiċċji tad-data ġġenerata fl-ispazju bħala għodda essenzjali għall-monitoraġġ tal-art u tal-ambjent;

19.

Jisħaq li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jammontaw għal 99 % tal-kumpaniji kollha fl-Istati Membri u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-istabbiltà ekonomika u, dejjem aktar, għall-isforzi ta' sostenibbiltà, u li dawn il-kumpaniji x'aktarx li jkunu l-aktar affettwati mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19; jisħaq li l-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu opportunitajiet ta' finanzjament u jfakkar fir-rwol tal-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) f'dan ir-rigward; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li jirdoppja l-pakkett finanzjarju tal-linji tas-suċċessur tiegħu fi ħdan il-programm tas-Suq Uniku għall-QFP li jmiss, li huwa mistenni jippermetti rata ta' suċċess tal-proposti bi kwalità għolja ta' mill-inqas 80 %; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs għandu jkun iddirezzjonat ukoll permezz tal-għodda InvestEU SMEs, biex iħejji lis-suq tal-prodotti u s-servizzi u jippermettilhom jikbru b'mod rapidu fis-swieq globali; itenni l-ħtieġa li jiġu estiżi aktar l-opportunitajiet biex jinħolqu u jiġu intensifikati n-negozji ġodda u biex titqiegħed enfasi speċjali fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs, appoġġjata wkoll mill-Gateway tas-Suq Uniku bħala faċilitatur tan-negozju tal-e-government, f'konformità mal-politiki ambizzjużi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom; jilqa' f'dan il-kuntest, barra minn hekk, id-diversi inizjattivi mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), jiġifieri l-mobilizzazzjoni ta' EUR 40 biljun għall-SMEs milquta, il-EUR 5 biljun disponibbli għall-kumpaniji fis-settur tas-saħħa u l-fond ta' garanzija ta' EUR 25 biljun li għandu jiġi ffinanzjat mill-azzjonisti tiegħu;

20.

Jisħaq li l-kriżi li għaddejja bħalissa se taffettwa ħafna reġjuni u setturi b'mod konsiderevoli; f'dan il-kuntest, huwa konvint li l-politika ta' koeżjoni se jkollha rwol ewlieni u għandha tkun aktar minn qatt qabel essenzjali biex tistimula l-irkupru ekonomiku fit-territorji kollha tal-UE, issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni u se tirrikjedi finanzjament addizzjonali u aktar flessibbiltà biex tirrispondi għall-isfidi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u demografiċi kumplessi li ġejjin; jenfasizza li, jekk l-adozzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-bażi legali rilevanti jittardjaw, ikun indispensabbli li jkun hemm perjodu tranżitorju bejn iż-żewġ perjodi ta' programmazzjoni;

21.

Jemmen li t-turiżmu, bħala wieħed mis-setturi l-aktar affettwati mill-kriżi, jeħtieġ strateġija komprensiva appoġġjata minn allokazzjoni speċifika permezz ta' programm tal-UE separat fil-QFP li jmiss; jinsisti li attenzjoni u appoġġ partikolari għandhom jiġu mogħtija lin-negozji ż-żgħar u tal-familja, speċjalment fil-każijiet tal-agrituriżmu u l-fornituri tal-ospitalità żgħar li se jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet biex jikkonformaw ma' standards ġodda tas-sikurezza, kif ukoll reġjuni insulari u reġjuni ultraperiferiċi;

22.

Fid-dawl tal-impatti soċjali negattivi kbar immedjati u fit-tul tas-sitwazzjoni attwali, jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-baġit tal-UE għall-2021 u r-rwol kruċjali ta' azzjonijiet soċjali msaħħa tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew+, fl-irkupru ekonomiku, u, b'mod partikolari, biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-faqar fost it-tfal, ir-riskju ta' faqar u l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni, biex jiġi żgurat djalogu soċjali msaħħaħ, li jindirizza t-tibdil demografiku strutturali fit-tul u jiggarantixxi aċċess għal kulħadd, u speċjalment għall-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, għal servizzi vitali u ewlenin bħall-kura tas-saħħa, il-mobilità, in-nutrizzjoni adegwata u l-akkomodazzjoni deċenti;

23.

Jappella biex il-baġit 2021 jagħti attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) u lir-relazzjonijiet magħhom, peress li jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima; jisħaq, barra minn hekk, li jrid jitjieb l-aċċess għall-finanzjamenti għall-PTEE billi dawn tal-aħħar għandhom għarfien espert u riżorsi amministrattivi limitati minħabba l-istatus speċjali u d-daqs tagħhom;

24.

Jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà interna hija parti integrali tal-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fil-konfront ta' Unjoni li tipproteġi; jissottolinja li t-theddid għas-sigurtà għall-attentati terroristiċi, il-kriminalità organizzata transfruntiera u t-tipi l-ġodda ta' attività kriminali bħaċ-ċiberkriminalità, joħolqu theddid kontinwu għall-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u jeħtieġu risposta Ewropea li tkun b'saħħitha u koordinata; jemmen li dan jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera intensifikata bejn l-awtoritajiet kompetenti; jisħaq li t-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni (IT), b'attenzjoni fuq it-titjib tal-interoperabbiltà tas-sistemi, l-aċċess aġevolat u l-leġġibbiltà tad-data, huma obbligatorji biex jiżguraw kooperazzjoni effettiva u rapida bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, ġudizzjarji u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra; jieħu nota li fl-2021 il-Kummissjoni mistennija tvara l-Istrateġija ta' Sigurtà għall-Unjoni, li fiha se jkun hemm sensiela ta' inizjattivi f'oqsma fundamentali relatati ma' dan it-theddid;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka l-baġit meħtieġ sabiex tiżgura kapaċità akbar tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, ħalli l-UE tkun ippreparata aħjar għat-tipi kollha ta' diżastri naturali, pandemiji u emerġenzi, bħal emerġenzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, u kapaċi tirrispondi aħjar għalihom; itenni l-importanza tal-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili sabiex jipproteġi aħjar liċ-ċittadini mid-diżastri;

26.

Jisħaq fuq is-suċċess tal-Programm Erasmus+ fit-titjib tal-mobilità taż-żgħażagħ, it-taħriġ u l-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat il-programm, inter alia, biex isir aċċessibbli għall-persuni minn kull sfond u grupp ta' età;

27.

Ifakkar li l-promozzjoni tal-valuri u l-kulturi Ewropej għandha rwol attiv fl-appoġġ tad-demokrazija, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti għall-programmi Ġustizzja, Drittijiet u Valuri u li jissaħħu r-riżorsi ddedikati għall-appoġġ tal-vittmi ta' vjolenza sessista f'dan il-programm; jenfasizza li s-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll it-turiżmu, diġà huma u se jkunu fost is-setturi ewlenin li huma vittmi tal-kriżi li qed tesperjenza l-UE; jitlob miżuri ta' emerġenza għal dawk is-setturi u tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva;

28.

Jistenna li sal-2021 ikun hemm mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-QFP għall-2021-2027 għandu jinkludi klawżola ta' kundizzjonalità għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li tiggarantixxi li sabiex jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

29.

Iqis li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa għodda fundamentali biex jiġi promoss l-involviment ċiviku madwar l-Unjoni u biex tissaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni; jinsisti li l-baġit 2021 għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun proporzjonat mal-ħafna aspettattivi li qajjem fost il-persuni żgħażagħ madwar l-Ewropa, b'mod partikolari fil-linja tal-volontarjat; jitlob li jiġi allokat finanzjament biżżejjed biex ikopri d-domanda qawwija għall-kollokamenti fil-volontarjat;

30.

Jitlob li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti bħala prijorità biex tiġi appoġġjata l-attività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħra attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet u t-tisħiħ u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u l-istat tad-dritt, inkluż permezz tal-programm futur dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, fi żminijiet meta qed nosservaw li l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien f'diversi Stati Membri;

31.

Jisħaq fuq ir-reazzjoni negattiva inkwetanti u dejjem akbar fil-konfront tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa u l-importanza tal-istrumenti tal-UE inkluż l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) biex tiġi miġġielda din is-sitwazzjoni; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma inkludietx programm speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proposta tagħha u jitlob allokazzjonijiet baġitarji ambizzjużi u speċifiċi biex jiġu appoġġjati d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-allokazzjonijiet baġitarji li jappoġġjaw ir-rispett universali tas-saħħa sesswali u riproduttiva u drittijiet relatati u l-aċċess għalihom;

32.

Jirrimarka li l-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika komuni tas-sajd (PKS) huma fost il-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea, li jimmiraw li jiżguraw provvista tal-ikel sikura, ta' kwalità għolja u sovranità alimentari għall-Ewropej, il-funzjonament sewwa tas-swieq tal-ikel, l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni rurali, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; ifakkar fir-rwol ewlieni ta' dawn il-politiki biex jikkontribwixxu għal qligħ stabbli u aċċettabbli għall-bdiewa u s-sajjieda u s-sajjieda nisa u sajjieda, speċjalment fil-kuntest diffiċli attwali; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati dwar il-QFP 2021-2027 biex jiġu ppreservati l-baġits għall-PAK u l-PKS; jitlob li jissaħħu dawn il-politiki u li tingħata attenzjoni partikolari lill-agrikoltura u lis-sajd fuq skala żgħira; jieħu nota li l-PAK, flimkien ma' politiki oħra tal-Unjoni, se jkollha rwol importanti xi twettaq biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis fil-proposta tagħha u fl-att emendatorju sussegwenti għall-abbozz tal-baġit 2021, l-eżitu tal-qbil politiku li għandu jintlaħaq dwar il-miżuri tranżitorji għas-sena 2021 (stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2019 (COM(2019)0581)); jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw allokazzjoni f'waqtha ta' riżorsi suffiċjenti għat-titjib kontinwu tal-kwalità tad-data u tal-indikaturi rrappurtati lill-Unjoni sabiex jikkonformaw bis-sħiħ mal-inizjattiva “Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati” (BFOR); jinsisti fuq il-kwalità għolja tad-data u tal-indikaturi biex il-PAK tiġi vvalutata kif xieraq;

34.

Jieħu nota tal-iżviluppi l-aktar reċenti fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-fruntiera esterna tal-UE mat-Turkija, li twassal għall-adozzjoni reċenti ta' baġit emendatorju 1/2020 sabiex tiġi indirizzata l-pressjoni migratorja akbar; jissottolinja li jeħtieġ li jiġi żgurat livell adegwat ta' riżorsi fil-baġit 2021 b'antiċipazzjoni ta' kontinwazzjoni possibbli jew saħansitra deterjorament ta' din is-sitwazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa ta' solidarjetà u kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha fil-qasam tal-migrazzjoni; jisħaq il-ħtiġijiet addizzjonali li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 biex jiġu adottati miżuri speċifiċi għall-migranti bħala persuni partikolarment vulnerabbli, inkluża l-evakwazzjoni preventiva u r-rilokazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa regolari li jissaħħaħ il-Fond għall-Asil u l-Migrazzjoni matul l-aħħar perjodu biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jlaħħqu mal-kriżi tar-rifuġjati, u jiġu mmobilizzati l-istrumenti speċjali għal dak il-għan minħabba li l-limitu massimu taħt l-intestatura 3 kien baxx wisq, jew permezz ta' baġits emendatorji; jistenna lill-Istati Membri jifhmu l-interessi tagħhom stess u jagħmlu tajjeb għall-effetti tad-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament Dublin IV bis-saħħa tal-approprjazzjonijiet neċessarji għal dak il-programm li jimplimenta l-prinċipju ta' solidarjetà fosthom f'dan il-qasam; ifakkar fil-ħtieġa ta' finanzjament adegwat biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-migranti u tar-rifuġjati fil-kampijiet tar-rifuġjati tal-UE, għall-infurzar tal-liġi, it-taħriġ għall-persunal tal-fruntieri u l-gwardji tal-kosta, u għal miżuri effettivi għall-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati;

35.

Jirrimarka li l-migrazzjoni legali ġestita b'mod tajjeb hija importanti biex tiżgura rispons adegwat għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi;

36.

Jinnota li t-Turkija qed tkompli tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja u li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar kif l-UE għandha tkompli bl-appoġġ tagħha għat-Turkija wara t-tmiem tal-impenji tagħha li saru taħt il-Faċilità tal-UE għar-Rifuġjati fit-Turkija;

37.

Jisħaq li miżuri immedjati ta' solidarjetà, b'mod partikolari programm ta' rilokazzjoni, għandhom jiġu introdotti sakemm issir riforma sinifikanti tar-regoli tal-UE dwar l-asil; jitlob, barra minn hekk, li l-finanzjament jibqa' previst fil-baġit tal-UE għall-appoġġ tar-rifuġjati fit-Turkija;

38.

Jappella għal baġit ambizzjuż għall-2021 fil-politiki esterni tal-UE li jippermettu lill-Unjoni biex tilqa' għall-isfidi li tiffaċċja; ifakkar li l-paċi u s-solidarjetà jikkostitwixxu valuri fundamentali li jeħtieġ ikunu sostnuti kontinwament mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi u ekonomiċi, kif ukoll għal reġjuni oħra bi bżonn ta' appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tagħhom;

39.

Jemmen li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għandu jiffoka l-finanzjament tiegħu fuq l-oqsma tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-amministrazzjoni pubblika; jilqa' l-fatt li jista' jingħata bidu biex jinfetħu negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq, u jitlob li jkun hemm dispożizzjonijiet finanzjarji adegwati sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi u l-allinjament mal-acquis;

40.

Jissottolinja li l-allokazzjonijiet finanzjarji fl-ambitu tal-IPA III għandhom jingħataw bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett għall-valuri Ewropej bħall-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-proċess demokratiku, ir-rispett għall-valuri fundamentali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-fondi attwalment allokati fl-ambitu tal-IPA III biex tappoġġja, permezz ta' ġestjoni diretta mill-UE, lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti tat-Turkija, u żżid l-opportunitajiet għal kuntatti interpersonali, djalogu akkademiku, aċċess għall-istudenti Torok għall-universitajiet Ewropej u pjattaformi tal-midja għall-ġurnalisti bl-għan li tipproteġi u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

41.

Jisħaq li l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari dwar l-NDICI ġiet adottata fl-4 ta' Marzu 2019, u li l-mandat tiegħu dwar l-NDICI ġie rrikonfermat fit-8 ta' Ottubru 2019; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur kontribuzzjoni ta' 45 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-NDICI għal objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u l-ispostament sfurzat, u jqiegħed enfasi qawwija fuq il-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa, it-tfal, ir-rifuġjati, il-persuni spostati, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-popli indiġeni u l-minoranzi etniċi u reliġjużi;

42.

Ifakkar li s-soluzzjoni ta' natura dejjiema għall-fenomenu attwali tal-migrazzjoni tinsab fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li minnhom joriġinaw il-flussi tal-migrazzjoni; jitlob li l-programmi ta' politika esterna rispettivi jingħataw riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jappoġġjaw sħubijiet ġusti u ta' benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu, inklużi dawk fil-kontinent Afrikan; jistieden lill-UE, fl-istess kuntest u quddiem is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li qed tħabbat wiċċha magħha l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), tintensifika l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-Aġenzija fl-2021, sabiex tippreserva l-provvista mhux interrotta ta' servizzi vitali lil miljuni ta' rifuġjati Palestinjani;

43.

Jinsab imħasseb dwar il-firxa rapida madwar id-dinja tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq il-pajjiżi milquta; huwa konvint li l-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex tingħeleb din il-kriżi globali; jemmen li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fl-isforzi globali biex trażżan il-pandemija u ttaffi l-impatt tagħha; jemmen li l-Unjoni jeħtiġilha turi solidarjetà mal-pajjiżi terzi affettwati, inkluż billi timmobilizza riżorsi addizzjonali, tgħinhom jibnu mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom, jimmitigaw l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi u jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa pubbliċi madwar id-dinja;

44.

Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali mill-politika tal-azzjoni esterna tal-UE; itenni l-ħtieġa għal żieda fil-finanzjament iddedikat biex jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'enfasi partikolari fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk l-aktar f'riskju; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jitkompla l-Mekkaniżmu għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (Protectdefenders.eu) u li jiżdied il-finanzjament iddedikat għalih; jemmen li l-UE għandha toqgħod strettament lura milli toffri assistenza permezz tal-appoġġ baġitarju lill-pajjiżi li jonqsu bil-kbir milli jissodisfaw standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew li jonqsu milli juru l-impenn tagħhom li jiġġieldu l-korruzzjoni; jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, speċjalment minn gruppi lokali tas-soċjetà ċivili, u jappella għal livell adegwat ta' finanzjament;

45.

Jappella għal aktar finanzjament favur l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni strateġiċi biex jiġġieldu l-kampanji ta' diżinformazzjoni, li qed jintużaw dejjem aktar biex jimminaw l-ordni demokratiku fl-Unjoni u fil-pajjiżi fil-viċinat qrib tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-proġett ewlieni “East StratCom Task Force – EUvsDisinfo” tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda u l-influwenza barranija;

46.

Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ finanzjarju adegwat biex tinħoloq Unjoni Ewropea tad-Difiża reali, tiġi promossa l-awtonomija strateġika u jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-livell globali; jisħaq fuq l-importanza li tinżamm il-pożizzjoni tiegħu rigward l-ammonti għall-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) u għall-mobilità militari; jisħaq li għandu jiġi żgurat l-appoġġ kontinwu għal politika u azzjonijiet relatati mad-difiża fl-ambitu tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), il-Kooperazzjoni Struttura Permanenti (PESCO), l-EDF u inizjattivi oħra, kif ukoll il-koordinazzjoni msaħħa tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevedi l-finanzjament tan-nefqa amministrattiva u operattiva tal-EDA u l-PESCO mill-baġit tal-Unjoni, biex b'hekk terġa' tiġi stabbilita l-funzjoni baġitarja tal-Parlament kif previst fl-Artikolu 41 tat-TUE;

47.

Itenni li l-arkitettura l-ġdida tal-Istrumenti Finanzjarji Esterni (EFI) għandha ttejjeb l-koerenza, l-obbligu ta' rendikont, l-effiċjenza u s-sorveljanza demokratika; jenfasizza l-ħtieġa ta' rwol akbar għall-Parlament fit-tmexxija strateġika tal-istrumenti l-ġodda; jistenna li jiġi involut minn stadju bikri qabel u waqt il-programmazzjoni tal-istrumenti l-ġodda;

48.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta u tkun lesta għal kull xenarju possibbli biex tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, billi tiddefinixxi impenji ċari, tiddelinja l-mekkaniżmi u tipproteġi l-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-parteċipazzjoni futura tar-Renju Unit fil-programmi tal-UE għandha tirrispetta bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji;

49.

Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li r-Renju Unit jibqa' sieħeb qrib f'kemm jista' jkun programmi tal-UE, partikolarment Erasmus+ u Orizzont Ewropa;

50.

Ifakkar ir-rwol ċentrali li jiżvolġu l-aġenziji tal-UE fl-implimentazzjoni tal-objettivi politiċi tal-UE u jerġa' jafferma l-importanza li dawn il-korpi jkunu mgħammra b'finanzjamenti suffiċjenti u prevedibbli biex jaqdu b'mod effiċjenti dmirijiethom, filwaqt li jiċħad kwalunkwe tnaqqis mhux ġustifikat u arbitrarju lill-baġits tagħhom f'termini reali; jenfasizza r-rwol fundamentali li jiżvolġu l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tiżviluppa sensibilizzazzjoni fir-rigward tat-tibdil fil-klima, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tippromwovi l-mobilità tax-xogħol kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex isostnu lill-applikanti għal asil li qegħdin ifittxu protezzjoni fl-Ewropa;

51.

Fl-istess ħin, jisħaq dwar il-bżonn li jiġi miġġieled t-traffikar tal-bnedmin u l-iffaċilitar ta' dħul klandestin ta' bnedmin, u li jiġu appoġġjati l-aġenziji għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE, li jipprovdu assistenza lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex); jieħu nota tar-rwol li l-Frontex hija mitluba li twettaq fil-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni attwali li qed isseħħ fil-fruntieri esterni tal-UE mat-Turkija; jitlob li jkun hemm livelli ta' finanzjament xierqa għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-baġit 2021;

52.

Jinnota li l-aġenziji li joperaw fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali qed jiġu assenjati għadd dejjem akbar ta' kompiti; jitlob li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u l-postijiet ta' xogħol tal-persunal għal dawn l-aġenziji, b'mod partikolari għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), kif ukoll finanzjament u persunal adegwat għal dawk li se jkunu qed jaħdmu fuq il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

53.

Jinsab imħasseb dwar il-livell insuffiċjenti ta' finanzjament u persunal ipprovdut lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) matul il-proċedura baġitarja tal-2020 u, fid-dawl tal-2021, jistieden lill-Kummissjoni żżid il-persunal u r-riżorsi għal dan il-korp istituzzjonali u tipproteġi l-awtonomija baġitarja tiegħu; jissottolinja li l-istabbiliment tal-UPPE ma jeħtieġlux jirriżulta fid-deterjorament tal-kapaċità tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jaħdem kif suppost;

54.

Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 reċenti fl-Ewropa u l-ħtieġa għal rispons rapidu, koordinat u koerenti min-naħa tal-UE, jistieden b'mod urġenti lill-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament adegwat u meħtieġ lill-aġenziji rilevanti tal-UE li għandhom jaħdmu u jappoġġjaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-isforz biex jindirizzaw din il-panedmija, partikolarment iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinsisti li l-Kummissjoni u l-Kunsill iżommu lura milli jnaqqsu r-riżorsi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);

55.

Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ b'mod sostanzjali l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), filwaqt li jitqiesu l-kompiti addizzjonali mogħtija lilha permezz ta' leġiżlazzjoni reċenti, inkluż il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa; ifakkar, barra minn hekk, fil-bżonn ta' riżorsi addizzjonali għall-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (Uffiċċju BEREC) biex twettaq il-kompiti tagħha minquxa fir-Regolament BEREC u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi;

56.

Ifakkar li l-ebda politika tal-Unjoni, kemm jekk biex tlaħħaq mal-kriżi tal-COVID-19, jew biex timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, ma tista' tiġi implimentata kif suppost mingħajr l-appoġġ ta' servizz pubbliku ddedikat tal-Unjoni u finanzjament suffiċjenti;

57.

Jemmen, fil-kuntest politiku u ekonomiku attwali, li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandha tkun appoġġjata adegwatament, anke min-naħa baġitarja, u li l-Kummissjoni Ewropea, fost istituzzjonijiet oħrajn involuti f'dan il-proġett, għandha tkun mgħammra bil-mezzi neċessarji biex tagħmilha waħda ta' suċċess;

58.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti l-eżempju f'li tiżgura akkwist ta' kwalità għolja u soċjalment responsabbli, sabiex il-kuntratti jingħataw lill-kumpaniji li jirrispettaw l-istandards ewlenin fil-qasam ambjentali u tax-xogħol, u f'li tinforza kriterji mtejba u aktar stretti biex tipprevjeni l-kunflitti ta' interess;

59.

Jappella għal evalwazzjoni reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru tal-perjodu baġitarju preċedenti u tal-implimentazzjoni tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-baġit tal-UE għall-2021; jistenna, għalhekk, li l-Kummissjoni tinkludi fl-abbozz tal-baġit tagħha anness li jiġbor flimkien l-informazzjoni speċifika għall-ġeneri dwar l-objettivi, l-inputs, il-kontributi u r-riżultati, u li tippreżenta impenji finanzjarji għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-miżuri relatati tagħhom ta' traċċar;

Livell realistiku u suffiċjenti ta' pagamenti

60.

Huwa determinat li jevita kriżi ġdida ta' pagament, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; itenni li l-limitu massimu globali ta' pagament irid ukoll iqis il-volum bla preċedent ta' impenji pendenti fi tmiem l-2020 li għandhom jiġu saldati taħt il-QFP li jmiss; jinnota wkoll li l-enfasi tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2021 se tkun fil-biċċa l-kbira fuq it-tlestija tal-programmi 2014-2020; jinsisti, madankollu, li dan m'għandux ifixkel it-tnedija ta' programmi ġodda;

61.

Jinsisti, għalhekk, f'konformità mal-miżuri tal-2020, dwar il-ħtieġa li jinżamm livell għoli ta' likwidità għall-Istati Membri bħala parti mir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19;

62.

Jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni fuq l-introjtu se tagħti lura lill-baġits nazzjonali tagħhom ferm aktar minn kwalunkwe tnaqqis fin-nefqa tal-baġit annwali tal-UE;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ebda finanzjament tal-UE ma jingħata lil kwalunkwe parti soġġetta għal miżuri restrittivi tal-UE (inklużi kuntratturi jew sottokuntratturi, parteċipanti f'sessjonijiet ta' ħidma u/jew korsijiet ta' taħriġ, u destinatarji ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi);

64.

Jinsab konvint li kwalunkwe persuna ġuridika li hija sid benefiċjarju ta' entitajiet ġuridiċi u li tirċievi fondi mill-baġit tal-UE jeħtiġilha tkun ipprojbita milli tirċievi fondi mill-baġit Ewropew eżistenti kif ukoll minn dak futur fl-ambitu tar-regoli ta' dan ir-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, inklużi pagamenti agrikoli diretti u kwalunkwe żborż, nefqa, garanzija jew benefiċċju ieħor imsemmija fih jekk hija tkun f'kunflitt ċar ta' interessi kif definit fl-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2018/1046;

65.

Itenni l-opinjoni dejjiema tiegħu li prijoritajiet politiċi ġodda u sfidi futuri għall-UE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u mhux billi jitnaqqsu l-approprjazzjonijiet għall-programmi eżistenti; iqis li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat ukoll għall-emendar tal-baġits;

66.

Jinnota li, bħala l-ewwel sena tal-QFP li jmiss potenzjalment maqbul, il-baġit 2021 se jkun l-ewwel wieħed li jirrifletti nomenklatura baġitarja ġdida; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod xieraq lill-awtorità baġitarja fit-tħejjijiet tagħha; jemmen li n-nomenklatura l-ġdida, filwaqt li hija allinjata aħjar mal-prijoritajiet ta' politika, trid tkun dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-awtorità baġitarja twettaq b'mod effettiv ir-rwol ta' teħid ta' deċiżjoni tagħha u lill-Parlament b'mod partikolari jwettaq is-sorveljanza demokratika tiegħu u r-rwoli ta' skrutinju;

67.

Jinnota li, bħala l-fergħa tal-awtorità baġitarja eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament se jwettaq ir-rwol politiku tiegħu u se jressaq proposti għall-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji li jesprimu l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni; jimpenja ruħu, f'dan il-kuntest, li jipproponi pakkett ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jinstab bilanċ ġust bejn ir-rieda politika u l-fattibbiltà teknika, kif ivvalutata mill-Kummissjoni;

o

o o

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1)  https://www.ipcc.ch/sr15/

(2)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(6)  ĠU L 057, 27.2.2020, p. 1.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2018)0449.

(8)  Testi adottati, P9_TA(2019)0032.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(10)  Testi adottati, P9_TA(2020)0065.

(11)  Testi adottati, P9_TA(2020)0124.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2020)00015.

(13)  ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.

(14)  Testi adottati, P9_TA(2020)0005.


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/205


P9_TA(2020)0170

Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni: posponiment ta' ċerti limiti ta' żmien minħabba l-pandemija tal-COVID-19 *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE biex tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti li jiġu posposti ċerti limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020)0197 – C9-0134/2020 – 2020/0081(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

(2021/C 362/45)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0197),

wara li kkunsidra l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0134/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 82 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda 2

Proposta għal direttiva

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)

Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali u jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

(5)

Sabiex jiġi ddeterminat it-tul tad-differiment, jeħtieġ li jitqies li dan għandu l-għan li jindirizza sitwazzjoni eċċezzjonali . Jenħtieġ li ma jikkompromettix il-politika tal-Unjoni maħsuba biex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa l-ippjanar aggressiv tat-taxxa permezz tal-iskambju tal-informazzjoni bejn id-dipartimenti tat-taxxa u, għaldaqstant, jenħtieġ li ma jfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Konsegwentement, ikun xieraq li d-differiment jiġi limitat għal żmien li jkun proporzjonat mad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

Emenda 3

Proposta għal direttiva

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Fid-dawl tal-inċertezza attwali dwar l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, ikun utli wkoll li tiġi prevista l-possibbiltà ta' estensjoni oħra tal-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni. Dan ikun meħtieġ jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji serji għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jew jimplimentaw miżuri ġodda jew ikomplu bil-miżuri ta' lockdown eżistenti. Jenħtieġ li din l-estensjoni ma tfixkilx l-istruttura stabbilita tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE u l-funzjonament tagħha. Pjuttost, jenħtieġ li tkun ta' durata limitata u predeterminata, proporzjonata mad-diffikultajiet prattiċi li ġab miegħu l-lockdown temporanju. Jenħtieġ li l-estensjoni ma taffettwax l-elementi essenzjali tal-obbligu li l-informazzjoni tiġi rrappurtata u skambjata skont din id-Direttiva. Tista' testendi biss id-differiment tad-durata għall-konformità ma' tali obbligi filwaqt li tiżgura li l-ebda informazzjoni ma tibqa' mingħajr ma tiġi eventwalment skambjata.

imħassar

Emenda 4

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2011/16/UE

Artikolu 27b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 27b

Estensjoni tal-perjodu ta' differiment

imħassar

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat, f'konformità mal-Artikolu 27c, sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' differiment għall-preżentazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a, għal massimu ta' tliet xhur addizzjonali.

 

Il-Kummissjoni tista' tadotta biss l-att delegat imsemmi fl-ewwel subparagrafu jekk matul il-perjodu ta' differiment jew f'parti minnu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta' riskji gravi għas-saħħa pubblika kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 jippersistu u l-Istati Membri jkollhom jimplimentaw miżuri ta' lockdown.

 

Emenda 5

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2011/16/UE

Artikolu 27c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Artikolu 27c

Eżerċitar ta' delega

imħassar

1.     Is-setgħa ta' adozzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

 

2.     Is-setgħa li tadotta l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 27b għandha tingħata lill-Kummissjoni biss għall-perjodu ta' differiment tal-limiti ta' żmien għall-preżentazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, kif previst fil-paragrafi 12 u 18 tal-Artikolu 8ab u fl-Artikolu 27a.

 

3.     Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27b tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-att delegat jekk ikun diġà fis-seħħ.

 

4.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti magħżulin ta' kull Stat Membru, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet tat-13 ta' April 2016.

 

5.     Hekk kif tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill b'dan. In-notifika tal-att delegat lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.

 

6.     L-att delegat adottat skont l-Artikolu 27b għandu jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien u għandu japplika sakemm ma tkun espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill. Il-Kunsill jista' joġġezzjona għall-att delegat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika ta' dak l-att. F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Kunsill.

 

7.     Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat dwar l-adozzjoni ta' att delegat mill-Kummissjoni, dwar kull oġġezzjoni fformulata għalih u dwar ir-revoka ta' delega tas-setgħat mill-Kunsill.

 


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/208


P9_TA(2020)0171

Appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (emenda tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013) ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-FAEŻR b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0186 – C9-0128/2020 – 2020/0075(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 362/46)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0186),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0128/2020),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-4 ta' Ġunju 2020, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 163 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.


P9_TC1-COD(2020)0075

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Ġunju 2020 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’ miżura speċifika biex jingħata appoġġ temporanju eċċezzjonali fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR) b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, ir-Regolament (UE) 2020/872.)


8.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/209


P9_TA(2020)0172

Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej: miżuri temporanji dwar il-limiti ta' żmien għall-istadji ta' ġbir, verifika u eżami fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 2020 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri temporanji dwar il-limiti ta’ żmien għall-istadji ta’ ġbir, verifika u eżami stipulati fir-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (COM(2020)0221 – C9-0142/2020 – 2020/0099(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2021/C 362/47)

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)

Fil-11 ta' Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. L-Istati Membri ntlaqtu b'mod drammatiku u eċċezzjonali mill-konsegwenzi ta' din il-pandemija. Huma ħadu serje ta' miżuri restrittivi biex iwaqqfu jew inaqqsu r-ritmu tat-trażmissjoni tal-COVID-19, inklużi miżuri ta' lockdown biex jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħhom, il-projbizzjoni ta' avvenimenti pubbliċi, u l-għeluq ta' ħwienet, ristoranti u skejjel. Dawk il-miżuri wasslu għal waqfien kważi totali tal-ħajja pubblika fi kważi l-Istati Membri kollha.

(1)

Fil-11 ta' Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa tal-COVID-19 kienet saret pandemija dinjija. L-Istati Membri ntlaqtu b'mod drammatiku u eċċezzjonali mill-konsegwenzi ta' din il-pandemija. Huma ħadu serje ta' miżuri restrittivi biex iwaqqfu jew inaqqsu r-ritmu tat-trażmissjoni tal-COVID-19, inklużi miżuri ta' lockdown biex jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħhom, il-projbizzjoni ta' avvenimenti pubbliċi, u l-għeluq ta' ħwienet, ristoranti u skejjel. Dawk il-miżuri wasslu għal waqfien totali tal-ħajja pubblika fi kważi l-Istati Membri kollha.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

L-Istati Membri indikaw li se l-livell ta' restrizzjonijiet introdotti mill-miżuri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 se jitnaqqas biss gradwalment , sabiex jimmonitorjaw u jikkontrollaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jiġi estiż b'sitt xhur, li jkopri l-perjodu li jibda mill-11 ta' Marzu 2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa kienet saret pandemija. Dik l-estensjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas fl-ewwel sitt xhur mill-11 ta' Marzu 2020, il-maġġoranza tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni se jkollhom fis-seħħ miżuri li se jxekklu b'mod sostanzjali l-possibbiltajiet tal-organizzaturi li jwettqu kampanji lokali u li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati. Jenħtieġ għalhekk li l-perjodu ta' ġbir tal-inizjattivi li l-ġbir tagħhom kien għaddej fit-11 ta' Marzu 2020 jiġi estiż b'sitt xhur. Fejn il-perjodu ta' ġbir ta' inizjattiva jkun beda wara l-11 ta' Marzu, jenħtieġ li dak il-perjodu jiġi estiż b'mod proporzjonat.

(6)

L-Istati Membri indikaw li se jnaqqsu biss gradwalment il-livell ta' restrizzjonijiet introdotti mill-miżuri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, sabiex jimmonitorjaw u jikkontrollaw is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika. Għalhekk huwa xieraq li l-perjodu għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jiġi estiż b'sitt xhur, li jkopri l-perjodu li jibda mill-11 ta' Marzu 2020, meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħabbret li t-tifqigħa kienet saret pandemija. Dik l-estensjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas fl-ewwel sitt xhur mill-11 ta' Marzu 2020, tal-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni se jkollhom fis-seħħ miżuri li se jxekklu b'mod sostanzjali l-possibbiltajiet tal-organizzaturi li jwettqu kampanji lokali u li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati. Jenħtieġ għalhekk li l-perjodu ta' ġbir tal-inizjattivi li l-ġbir tagħhom kien għaddej fit-11 ta' Marzu 2020 jiġi estiż b'sitt xhur. Fejn il-perjodu ta' ġbir ta' inizjattiva jkun beda wara l-11 ta' Marzu, jenħtieġ li dak il-perjodu jiġi estiż b'mod proporzjonat.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)

Minħabba li huwa diffiċli li jiġi previst meta sejra tintemm il-pandemija fl-Unjoni, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal aktar il-perjodu tal-ġbir fir-rigward tal-inizjattivi, li għalihom il-perjodu ta' ġbir ikun għadu għaddej fil-11 ta' Settembru 2020 f'każijiet fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 jibqgħu jeżistu. Jenħtieġ li l-estensjoni ta' sitt xhur tal-perjodu ta' ġbir prevista minn dan ir-Regolament tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha biżżejjed żmien biex tiddeċiedi jekk tkunx iġġustifikata estensjoni oħra tal-perjodu ta' ġbir. Jenħtieġ li s-setgħa tkun ukoll tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu ta' ġbir fil-każ ta' kriżi ġdida tas-saħħa pubblika marbuta ma' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19, jekk il-maġġoranza tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkunu ħadu miżuri li x'aktarx ikollhom l-istess effett.

(7)

Minħabba li huwa diffiċli li jiġi previst meta sejra tintemm il-pandemija fl-Unjoni, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal aktar il-perjodu tal-ġbir fir-rigward tal-inizjattivi, li għalihom il-perjodu ta' ġbir ikun għadu għaddej fil-11 ta' Settembru 2020 f'każijiet fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 jibqgħu jeżistu. Jenħtieġ li l-estensjoni ta' sitt xhur tal-perjodu ta' ġbir prevista minn dan ir-Regolament tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha biżżejjed żmien biex tiddeċiedi jekk tkunx iġġustifikata estensjoni oħra tal-perjodu ta' ġbir. Jenħtieġ li s-setgħa tkun ukoll tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu ta' ġbir fil-każ ta' kriżi ġdida tas-saħħa pubblika marbuta ma' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19, dment li tal-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkunu ħadu miżuri li x'aktarx ikollhom l-istess effett.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1 – subparagrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi u lill-Istati Membri dwar l-estensjoni mogħtija fir-rigward ta' kull inizjattiva kkonċernata u tippubblika d-deċiżjoni tagħha fir-reġistru online msemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/788. Għandha tippubblika wkoll il-lista tal-inizjattivi kollha bħal dawn u l-perjodu l-ġdid ta' ġbir għal kull inizjattiva f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodi massimi ta' ġbir tal-inizjattivi kif issir referenza għalihom fil-paragrafu 1, jekk maġġoranza tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkomplu japplikaw wara l-11 ta' Settembru 2020 miżuri b'reazzjoni għal pandemija tal-COVID-19 li jkunu jfixklu b'mod sostanzjali l-possibbiltà għall-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin.

(2)

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodi massimi ta' ġbir tal-inizjattivi kif issir referenza għalihom fil-paragrafu 1, meta mill-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni jkomplu japplikaw wara l-11 ta' Settembru 2020 miżuri b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 li jkunu jfixklu b'mod sostanzjali l-possibbiltà għall-organizzaturi li jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ stampati u li jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-inizjattivi tagħhom li jkunu għaddejjin.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu massimu ta' ġbir ta' inizjattivi li għalihom il-ġbir ikun għaddej fil-mument ta' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19 li tkun teħtieġ maġġoranza ta' Stati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni biex japplikaw miżuri li jaffettwaw lill-organizzaturi ta' dawk l-inizjattivi bl-istess mod.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex ittawwal il-perjodu massimu ta' ġbir ta' inizjattivi li għalihom il-ġbir ikun għaddej fil-mument ta' xi tifqigħa ġdida tal-COVID-19 meta tal-inqas kwart tal-Istati Membri jew għadd ta' Stati Membri li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni japplikaw miżuri li jaffettwaw lill-organizzaturi ta' dawk l-inizjattivi bl-istess mod.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 6(2) u għandhom jidentifikaw liema inizjattivi huma kkonċernati u d-data l-ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta' ġbir tagħhom .

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jidentifikaw l-inizjattivi li fir-rigward tagħhom jiġi estiż il-perjodu ta' ġbir flimkien mad-data l-ġdida tat-tmiem tal-perjodu ta' ġbir u r-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu .

 

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).

Emenda 13

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – subparagrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għall-fini li jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżit fl-ewwel u t-tieni subparagrafu ikunx ġie ssodisfat, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, meta mitluba, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li beħsiebhom jieħdu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba, b'informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu jew li jkun beħsiebhom jieħdu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 jew b'reazzjoni għal tifqigħa ġdida ta' COVID-19.

 

Għall-fini li jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżiti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi jkunux ġew issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-kriterji dettaljati għal din il-valutazzjoni.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)   Minkejja dak li hemm fl-Artikoli 14(2) u 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, meta l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jkunu ilhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sa mill-11 ta' Marzu 2020 fl-organizzazzjoni ta' xi seduta pubblika jew laqgħa mal-organizzaturi, rispettivament, minħabba l-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 mill-Istat Membru fejn dawk l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa, huma għandhom jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru kkonċernat tagħmilha possibbli li jsir dan.

(1)   Minkejja dak li hemm fl-Artikoli 14(2) u 15(1) tar-Regolament (UE) 2019/788, meta l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jkunu ilhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sa mill-11 ta' Marzu 2020 fl-organizzazzjoni ta' xi seduta pubblika jew laqgħa mal-organizzaturi, rispettivament, minħabba l-miżuri meħuda b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 mill-Istat Membru fejn dawk l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa, huma għandhom jorganizzaw is-seduta jew il-laqgħa malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fl-Istat Membru kkonċernat tagħmilha possibbli li jsir dan , jew, f'każ li l-organizzaturi jaqblu li jipparteċipaw b'mod remot fis-seduta jew il-laqgħa, malli jkunu jistgħu jaqblu mal-istituzzjonijiet dwar data għal din is-seduta jew il-laqgħa .


(1)  Il-kwistjoni ġiet riferuta lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’ subparagrafu.