ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 361 |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 64 |
Werrej |
Paġna |
|
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
RIŻOLUZZJONIJIET |
|
|
L-Assemblea Parlamentari Euronest |
|
2021/C 361/01 |
||
2021/C 361/02 |
||
2021/C 361/03 |
||
2021/C 361/04 |
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
RIŻOLUZZJONIJIET
L-Assemblea Parlamentari Euronest
8.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 361/1 |
RIŻOLUZZJONI
dwar it-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi: ir-rwol tal-partiti politiċi, tas-soċjetà ċivili, ta’ ambjent elettorali ġust, u ta’ media ħielsa u pluralistika
(2021/C 361/01)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
— |
wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011, |
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Brussell fl-24 ta’ Novembru 2017, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ April 2012 dwar it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-kwistjoni tal-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili, u l-kwistjoni tar-riformi bl-għan li s-soċjetà ċivili tingħata setgħat akbar, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tal-1 ta’ Novembru 2017 dwar l-iżgurar tal-libertà u l-integrità tal-media fl-UE u fis-sħab tal-Ewropa tal-Lvant, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tad-19 ta’ Diċembru 2019 dwar is-sorveljanza parlamentari bħala għodda biex issaħħaħ id-demokrazija, l-obbligu ta’ rendikont u l-effettività tal-istituzzjonijiet tal-istat fil-pajjiżi Sħab tal-Lvant, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-partiti politiċi Ewropej, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar it-titjib tal-arranġamenti prattiċi għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2016 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha, |
— |
wara li kkunsidrat ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media fl-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2019 dwar l-interferenza elettorali barranija u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2018 dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit Strument għall-Valuri Ewropej biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-valuri fundamentali fl-Unjoni Ewropea fil-livell lokali u nazzjonali, |
— |
wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta’ Ġunju 2020, |
— |
wara li kkunsidrat id-Dokument ta’ Ħidma Konġunta tal-Persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tad-9 ta’ Ġunju 2017 dwar “Is-Sħubija tal-Lvant - 20 Riżultat Tanġibbli għall-2020: Enfasi fuq prijoritajiet ewlenin u riżultati tanġibbli”, u l-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar “It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd”, |
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020, |
— |
wara li kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar it-twaqqif ta’ kumitat speċjali għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tiegħu, |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-UE, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ bis-sħiħ fl-1 ta’ Marzu 2021, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjonijiet tal-APKE rilevanti, inklużi (2007) dwar il-kodiċi ta’ prattika tajba għall-partiti politiċi, (2020) dwar it-theddid għal-libertà tal-media u s-sigurtà tal-ġurnalisti, u (2020) dwar l-istabbiliment ta’ standards minimi għas-sistemi elettorali sabiex tiġi offruta l-bażi għal elezzjonijiet liberi u ġusti, |
A. |
billi t-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi jibqa’ objettiv ewlieni ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL); |
B. |
billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma ta’ importanza kbira għall-funzjonament xieraq tal-istituzzjonijiet tal-istat, tal-partiti politiċi, tas-soċjetà ċivili, u tal-media fil-livell nazzjonali u transnazzjonali; |
C. |
billi f’tentattiv biex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet demokratiċi, huwa assolutament meħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi futuri li jirriżultaw mill-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19; tenfasizza li l-miżuri kollha adottati għandhom ikunu ċari, meħtieġa u strettament proporzjonati, b’mod partikolari fid-dawl tar-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali li jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq il-ħajja politika, l-elezzjonijiet, is-soċjetà ċivili u l-media; |
D. |
billi l-promozzjoni u l-protezzjoni ta’ drittijiet ugwali u d-dritt għall-parteċipazzjoni politika għal kulħadd jirrikjedu l-iżvilupp ta’ soċjetajiet inklużivi u reżiljenti fejn tinstemal-vuċi ta’ kulħadd; |
E. |
billi l-ħidma libera u indipendenti tal-oppożizzjoni, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-media hija pedament ta’ soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt; billi l-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili, ambjent elettorali ġust u l-media libera u pluralistika huma komponenti essenzjali tal-proċess demokratiku; |
F. |
billi, sabiex il-valuri u l-prinċipji demokratiċi jsiru aktar viżibbli u jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni jirrikjedu li jsiru sforzi xierqa mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi tas-SL, inklużi l-awtoritajiet tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji; |
G. |
billi t-tisħiħ tal-kapaċità leġiżlattiva tal-pajjiżi tas-SL biex jistabbilixxu mudell effettiv ta’ trasparenza finanzjarja tal-partiti politiċi, regoli sodi għat-tmexxija ta’ kampanji elettorali, kif ukoll biex jitkompla l-iżvilupp ta’ media pubblika indipendenti, u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċessi demokratiċi, huma ta’ importanza kruċjali u għandhom ikomplu jiġu appoġġjati mill-Unjoni Ewropea u jiġu rrispettati wkoll mill-Istati Membri tagħha; |
H. |
billi ż-żamma tal-ekwilibriju tas-sistemi politiċi tal-pajjiżi tas-SL u tal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ kontrokontrolli xierqa bejn l-istituzzjonijiet differenti, tista’ ssaħħaħ il-kapaċità tal-istati li jagħtu tweġiba effettiva, permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea msaħħa, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki u metodoloġiji, peress li l-ebda waħda mis-soċjetajiet tagħna mhija immuni għall-isfidi komuni attwali, bħall-pandemiji, il-kriżijiet tal-migrazzjoni, id-diżinformazzjoni, jew it-tendenzi illiberali; |
I. |
billi l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti, għandu jissaħħaħ sabiex jinħolqu sinerġiji ġodda, jiġu evitati defiċits demokratiċi possibbli u jiġu indirizzati l-isfidi attwali u emerġenti bħall-pandemija tal-COVID-19; |
J. |
billi parteċipazzjoni demokratika msaħħa – permezz ta’ partiti politiċi bbażati fuq sħubija wiesgħa u programmi politiċi ċari, mekkaniżmi istituzzjonali għall-involviment tas-soċjetà ċivili, media indipendenti u responsabbli u oqfsa elettorali stabbli - tista’ tistimula l-implimentazzjoni ta’ saħansitra aktar mudelli axxendenti ta’ governanza u t-titjib tal-kwalità tagħha, li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi, inkluż kontra l-interferenza esterna; |
K. |
billi l-proċessi motivati politikament kontra r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni – li jikkostitwixxu prattika li sfortunatament ilha teżisti f’xi pajjiżi tas-SL - iqajmu dubji dwar l-indipendenza tal-ġudikatura mill-interferenza politika u b’hekk idgħajfu l-proċess demokratiku; |
L. |
billi d-dipendenza finanzjarja qawwija ta’ xi partiti politiċi fil-pajjiżi tas-SL minn gruppi industrijali kbar, jew oligarki, tenfasizza l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni aktar dettaljata dwar it-tariffi tas-sħubija, l-aċċess għall-finanzjament pubbliku u l-finanzjament tal-kampanji biex jiġi evitat li l-flus minn attivitajiet kriminali korrotti jinfluwenza l-proċessi demokratiċi; |
M. |
billi hemm xejriet negattivi marbuta mal-monopolizzazzjoni tal-awtorità f’xi Stati Membri tal-UE, li jagħtu lok għal tħassib fir-rigward taż-żamma u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, is-separazzjoni tas-setgħat, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kontrokontrolli, l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-media, u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; |
N. |
billi l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni tirrikjedi aċċess għal sorsi awtorevoli għal informazzjoni aġġornata u l-promozzjoni ta’ sorsi affidabbli sabiex titnaqqas il-viżibbiltà ta’ kontenut falz jew qarrieqi u biex jitneħħa kontenut ta’ ħsara u illegali; |
O. |
billi l-Federazzjoni Russa qed tinterferixxi fil-proċessi demokratiċi tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tas-SL, jew direttament, jew bl-użu ta’ instituri min-negozji, mill-media jew miċ-ċrieki politiċi, u b’hekk qed thedded is-sovranità, l-indipendenza u s-sigurtà ta’ dawk l-istati; |
P. |
billi l-Federazzjoni Russa manifestament qed tkompli tmur kontra s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-Georgia, filwaqt li ddgħajjef is-sitwazzjoni tas-sigurtà, tad-drittijiet tal-bniedem u dik umanitarja, u tmur kontra l-prinċipji u n-normi fundamentali tad-dritt internazzjonali fir-reġjuni okkupati tal-Georgia fl-Abkażja u fir-reġjun ta’ Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea okkupata b’mod illegali, fil-belt ta’ Sevastopol u f’ċerti żoni tar-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna; |
Q. |
filwaqt li tikkundanna l-okkupazzjoni kontinwa u l-passi meħuda lejn l-annessjoni de facto tar-reġjuni tal-Georgia fl-Abkażja u r-reġjun ta’ Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll it-tentattiv ta’ annessjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-aggressjoni armata li għaddejja mill-Federazzjoni Russa fil-Lvant tal-Ukrajna, li wasslu biex il-komunità internazzjonali tintensifika l-isforzi biex terġa’ tingħata s-sovranità lill-Georgia u lill-Ukrajna u l-integrità territorjali tagħhom fil-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment; |
R. |
billi s-salvagwardja tal-libertà domestika u l-bini ta’ appoġġ għal politika barranija li tipproteġi l-valuri u d-drittijiet fundamentali barra mill-pajjiż huma essenzjali biex jitrawwem fehim aħjar tal-prinċipji demokratiċi mill-pubbliku, speċjalment fost iż-żgħażagħ; |
S. |
billi l-elezzjonijiet tad-9 ta’ Awwissu 2020 fil-Belarussja ġew definiti minn ħafna ċittadini Belarussi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Belarussa, kif ukoll minn atturi internazzjonali, bħala “elezzjonijiet imbagħbsa”; |
T. |
billi saru u għad qed isiru protesti li jikkundannaw ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet tal-Belarussja madwar il-pajjiż kollu; |
Ir-rwol tal-partiti politiċi
1. |
Tinnota li l-partiti politiċi jaqdu rwol importanti fil-livelli kollha tas-soċjetà, inkwantu jiġbru flimkien l-interessi u l-opinjonijiet, jifformulaw tweġibiet politiċi għall-problemi politiċi u għall-isfidi soċjali u jidderiġuhom lejn is-sistema politika permezz ta’ rappreżentanti eletti – u b’hekk jippromwovu l-parteċipazzjoni ġenwina taċ-ċittadini u tan-nazzjonalitajiet kollha li jgħixu f’pajjiż fuq bażi regolari, mhux biss matul il-perjodu elettorali, iżda wkoll fl-aspetti l-oħra kollha tal-ħajja politika; tisħaq f’dan il-kuntest li l-volatilità tal-ambjent politiku fil-maġġoranza tal-pajjiżi tas-SL jeħtieġ li tiġi indirizzata billi jissaħħaħ ir-rwol tal-partiti politiċi sabiex jiġu kkonsolidati l-istandards demokratiċi u tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-istat u fil-proċessi demokratiċi; |
2. |
Titlob lill-parlamenti nazzjonali jsaħħu l-ġudikatura indipendenti u imparzjali, kif ukoll jadottaw leġiżlazzjoni favur il-finanzjament trasparenti tal-partiti, b’mod partikolari billi jistabbilixxu r-responsabbiltà legali tal-partiti politiċi għall-aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet minn sorsi mhux magħrufa jew kriminali jew minn sorsi li għandhom l-għan li jfixklu u jimminaw id-demokrazija, jappoġġjaw it-terroriżmu jew iqanqlu gwerra u kunflitt ċivili, u billi jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tar-reklamar politiku mħallas u l-organizzazzjoni responsabbli għalih; tissottolinja li l-korruzzjoni politika teqred il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-istat, fir-rappreżentanti eletti u fl-aħħar mill-aħħar se ddgħajjef il-kontrokontrolli demokratiċi; |
3. |
Tħeġġeġ lill-partiti politiċi jkomplu jżidu d-demokrazija interna fost il-partiti u jaderixxu mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u tħeġġiġhom itejbu d-diversità tagħhom sabiex jirrappreżentaw aħjar lis-soċjetajiet li jservu, pereżempju billi jiżguraw rappreżentanza aħjar tan-nisa u tal-minoranzi fil-listi elettorali u fost il-membri eletti; |
4. |
Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkastigaw ix-xiri tal-voti fil-forom kollha tiegħu, kif ukoll l-użu ta’ riżorsi amministrattivi fil-kampanji; Għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet dissważivi xierqa, inkluża r-restrizzjoni tal-aċċess tal-kampanja tal-awtur ta’ att illeċitu għall-finanzjament mill-Istat; Għandhom jiġu stabbiliti miżuri xierqa biex jipprevjenu d-diskors ta’ mibegħda fil-forom kollha tiegħu, l-inċitament għall-vjolenza, l-aħbarijiet foloz u l-miżinformazzjoni għall-gwadann politiku; |
5. |
Titlob lill-parlamenti nazzjonali jadottaw leġiżlazzjoni dwar il-garanzija tad-drittijiet tal-partiti tal-oppożizzjoni u tal-gruppi politiċi tagħhom irrappreżentati fil-Parlament u fil-kunsilli lokali, sabiex jimmonitorjaw l-intenzjonijiet iddikjarati u l-attivitajiet imwettqa mill-eżekuttivi; tqis li dan se jikkontribwixxi għall-kisba tat-trasparenza fid-deċiżjonijiet meħuda u se jtejjeb is-sorveljanza fuq il-konformità mal-istat tad-dritt u l-infiq tal-finanzi pubbliċi, li huwa ta’ importanza biex tiġi żgurata l-kwalità tad-dibattitu politiku u tas-servizzi pubbliċi pprovduti mill-gvern u se jgħin ukoll biex jiġi żgurat rwol xieraq għall-oppożizzjoni, inkluż id-dritt tagħha għal espressjoni politika tal-fehmiet u l-pożizzjonijiet tagħha; |
6. |
Tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar każijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji motivati politikament kontra l-mexxejja u l-membri tal-partiti tal-oppożizzjoni u dawk li ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-gvern fil-pajjiżi tas-SL; titlob lill-gvernijiet iżommu lura milli jużaw l-istrutturi subordinati tagħhom jew każijiet ġudizzjarji bħal dawn b’motivi politiċi, u jimplimentaw l-ogħla standards tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari dwar l-indipendenza ġudizzjarja u d-dritt għal proċess ġust; |
7. |
Titlob lir-rappreżentanti kollha tal-partiti politiċi jiżguraw li l-atturi politiċi ma jingħatawx fastidju billi jittrattaw lil xulxin, inklużi lill-opponenti, b’mod ġust u bir-rispett, u jissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea, inkluż id-dritt għal dimostrazzjoni paċifika, sabiex jitrawwem dibattitu politiku bbażat fuq il-kwistjonijiet u tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi; |
8. |
Titlob lill-Kummissjoni Ewropea toffri appoġġ tekniku biex issaħħaħ is-sorveljanza parlamentari fil-pajjiżi kollha tas-SL u fl-Istati Membri tal-UE sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi eżistenti fil-mekkaniżmi effettivi ta’ rispons; |
9. |
Titlob lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tas-SL joħolqu kundizzjonijiet xierqa għas-soċjetà ċivili, għall-klassijiet medji u għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju biex ikunu aktar involuti fl-affarijiet politiċi; tirrikonoxxi l-importanza tas-sorveljanza ċivili fuq l-aderenza u l-implimentazzjoni tal-prinċipji u l-valuri demokratiċi, u għas-sejba u r-rapportar ta’ prattiki korrotti, ta’ frodi u ta’ kunflitt ta’ interess sabiex jitnaqqas ir-rwol tal-oligarki fil-ħajja politika; titlob lill-partiti politiċi jagħtu prijorità lill-ħidma tagħhom dwar l-iżvilupp ta’ programmi politiċi komprensivi u li jirrappreżentaw l-interessi wiesgħa tas-soċjetà kollha kemm hi; |
10. |
Tħeġġeġ lill-partiti politiċi kollha jinvolvu ruħhom fil-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ multipartitiżmu u kooperazzjoni biex jiddefinixxu objettivi strateġiċi għal pajjiżhom u għar-reġjun tagħhom; tisħaq li d-diversità tal-ideoloġiji u tal-opinjonijiet politiċi hija kruċjali għall-funzjonament xieraq ta’ Parlament li jirrappreżenta u jaħdem għaċ-ċittadini kollha tiegħu; |
11. |
Titlob lill-partiti politiċi jaħdmu fuq programmi ċari b’aġendi ta’ politika konkreti; tenfasizza li t-tisħiħ tal-kultura politika fis-soċjetà jista’ jinkiseb biss permezz tal-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi trasparenti, edukazzjoni politika fl-iskejjel u fl-universitajiet, u permezz tal-ġlieda kontra l-populiżmu u r-radikaliżmu; |
12. |
Tħeġġeġ lill-partiti politiċi jużaw id-diġitalizzazzjoni biex jikkomunikaw direttament mas-soċjetà u biex jindirizzaw it-tnaqqis fin-numri ta’ membri, peress li hemm ħtieġa urġenti li jadattaw għal innovazzjonijiet diġitali ġodda, li jistgħu jgħinu lill-partiti jilħqu l-objettivi tagħhom; |
13. |
Tisħaq li, minħabba r-restrizzjonijiet ta’ kwarantina, il-kampanji matul il-proċessi elettorali f’kundizzjonijiet ta’ aċċess diżugwali għall-votanti u għar-riżorsi tal-media (bħala s-sorsi ewlenin tat-tixrid tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mal-votanti), kif ukoll permezz ta’ networks soċjali, jistgħu jkunu ta’ sfida kbira; |
14. |
Tikkundanna l-abbuż tal-influwenza fuq il-media mill-partiti politiċi għall-gwadann politiku tagħhom stess u tħeġġeġ l-appoġġ tagħhom għal ambjent tal-media liberu u indipendenti fl-UE u fl-SL; tikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tal-mezzi pubbliċi tal-media, iffinanzjati mill-flus tal-kontribwenti, billi jirregolaw il-partiti politiċi għall-gwadann politiku tagħhom stess, u titlob sorveljanza indipendenti xierqa mill-awtoritajiet regolatorji tal-media; |
15. |
Tikkundanna l-abbuż tal-media soċjali mill-partiti politiċi billi ħolqu kontijiet foloz fejn jipprovaw jimitaw lir-rivali politiċi tagħhom, lil dawk li jfasslu l-opinjonijiet, lil gruppi attivisti, u lil entitajiet tal-media, u jattakkaw lill-opponenti politiċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; |
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili
16. |
Tissottolinja l-importanza ta’ soċjetà ċivili vibranti bħala indikatur għall-istat tad-demokrazija; titlob l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi li jiżguraw parteċipazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili fil-proċess demokratiku, pereżempju permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, seduti parlamentari ta’ esperti, eċċ.; titlob lill-partiti politiċi jappoġġjaw u jinvolvu ruħhom b’mod miftuħ mas-soċjetà ċivili fl-aspetti kollha tal-ħidma tagħhom f’isem iċ-ċittadini, sabiex jitqiesu opinjonijiet diversi, tissaħħaħ is-sorveljanza domestika fuq ir-riformi demokratiċi u tiżdied it-trasparenza u s-sostenibbiltà tagħhom; |
17. |
Tissottolinja li, f’xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għadhom jiffaċċjaw sfidi, l-aktar fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament, l-interferenza mill-Istat jew in-nuqqas ta’ diġitalizzazzjoni; |
18. |
Ittenni li demokrazija ħajja teħtieġ soċjetà ċivili vibranti u media indipendenti li jistgħu joperaw f’ambjent sikur u jiżguraw skrutinju tajjeb tal-istituzzjonijiet pubbliċi li jwassal għall-kontrokontrolli meħtieġa f’soċjetà demokratika; titlob lill-UE u lis-sħab tal-Lvant tagħha jiġġieldu kontra l-ispazju li qed jonqos għas-soċjetà ċivili u għall-media indipendenti u jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jaħdmu ħielsa mir-restrizzjonijiet kollha u jassumu r-responsabbiltà li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ħidma tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili; |
19. |
Tikkundanna l-attakki pubbliċi minn uffiċjali u politikanti fuq Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi jippromwovu l-gideb, it-teoriji ta’ komplott, id-demonizzazzjonijiet, jew forom oħra ta’ dikredibilizzazzjoni; allura, kwalunkwe tentattiv li jirrestrinġi l-attività tal-gruppi tas-soċjetà ċivili abbażi ta’ diskors illiberali bħal dan huwa attakk fuq il-libertajiet demokratiċi bażiċi; |
20. |
Titlob lill-UE tadatta u tikkomunika sistema ċara u strutturata għall-provvediment ta’ għotjiet lill-NGOs, inkluż mekkaniżmu mġedded għall-evalwazzjoni mid-delegazzjonijiet tal-UE u mill-gruppi ta’ esperti u mekkaniżmu għall-parteċipazzjoni wiesgħa minn organizzazzjonijiet differenti, bi prijorità li tingħata lill-NGOs li jaħdmu fuq l-istandards tad-demokrazija, u b’hekk jiġi evitat il-provvediment ta’ għotjiet lil “GONGOs” (NGOs stabbiliti u ffinanzjati mill-gvernijiet b’mezzi informali), kif ukoll lil NGOs li jaħdmu biex jiġġieldu kontra l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19; |
21. |
Tħeġġeġ lill-gvernijiet biex iżommu lura milli jabbużaw mill-pandemija tal-COVID-19 u mir-rispons tagħhom għaliha bħala skuża biex isikktu lill-vuċijiet kritiċi, irażżnu lill-oppożizzjoni jew inkella jnaqqsu l-istandards demokratiċi; |
22. |
Titlob lill-UE u lis-sħab tal-Lvant tagħha jistabbilixxu mekkaniżmi inklużivi konkreti biex jikkooperaw u jikkonsultaw mas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-minoranzi u tan-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, element standard tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tagħhom; |
23. |
Titlob lid-donaturi ma jissospendux l-appoġġ tagħhom lill-NGOs fil-pajjiżi tas-SL minħabba l-kriżi ekonomika li tista’ tiġi wara l-pandemija tal-COVID-19, iżda jinvestu f’finanzjament sostenibbli fit-tul għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; tħeġġeġ is-simplifikazzjoni tal-metodi ta’ applikazzjoni u tar-rekwiżiti tal-għotjiet sabiex tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ appoġġ finanzjarju mhux biss lil organizzazzjonijiet kbar u b’esperjenza, iżda wkoll lil NGOs reġjonali iżgħar; |
24. |
Tħeġġeġ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għan-networks lokali, reġjonali u internazzjonali tal-NGOs sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tagħhom, peress li din tippermettilhom iħaffu l-proċess li jsibu eżempji leġiżlattivi tajbin li jagħtu sigurtà legali liċ-ċittadini fid-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi; tisħaq li l-NGOs se jkollhom ukoll ir-rwol vitali li jiddeskrivu dawk il-kwistjonijiet, li huma ta’ rilevanza diretta għan-nuqqas ta’ konformità mal-istat tad-dritt, għall-ksur tal-libertà tal-espressjoni, għad-diżinformazzjoni u għall-frodi; |
25. |
Tisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istat jipprovdi assistenza b’mod trasparenti biex jidentifika u jappoġġja l-movimenti u l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali sabiex jippromwovi l-bidla soċjali, it-titjib tal-benesseri ġenerali u soċjetajiet aktar inklużivi, ugwali u sostenibbli; |
26. |
Tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE u tas-SL isaħħu l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet lokali sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza sostenibbli taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet taħt restrizzjonijiet ta’ kwarantina, b’mod partikolari billi jużaw pjattaformi online u metodi ta’ konsultazzjoni virtwali, ifasslu l-istrateġija ta’ involviment u jużaw metodi ta’ djalogu xierqa, u jilħqu lill-partijiet ikkonċernati u tal-gruppi soċjali kollha, speċjalment billi jisimgħu l-vuċijiet, l-għarfien u l-ideat innovattivi tagħhom; fl-istess waqt tissottolinja l-importanza li ma jintużawx l-awtoritajiet lokali u r-riżorsi tagħhom qabel u matul l-elezzjonijiet biex issir pressjoni fuq iċ-ċittadini favur il-partit li jkun qed jirregola; |
27. |
Tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej japplikaw programmi eżistenti jew futuri tal-UE dwar il-valuri Ewropej, bħall-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, mhux biss għall-Istati Membri tal-UE iżda wkoll għall-pajjiżi u l-NGOs tas-SL, billi jinħolqu u jiġu promossi metodi possibbli ta’ kooperazzjoni bejn il-kontropartijiet fl-UE u l-pajjiżi tal-viċinat; |
28. |
Tissottolinja l-importanza tal-libertà tal-media, li għandha tinvolvi aċċess ugwali għall-partiti politiċi kollha għall-media, l-indipendenza editorjali u kopertura pluralistika, indipendenti, imparzjali u mhux diskriminatorja tal-fehmiet politiċi fil-programmazzjoni minn xandara privati u b’mod partikolari dawk pubbliċi, u sjieda trasparenti tal-media; |
Ir-rwol tal-media libera u pluralistika
29. |
Tisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni, biex jiġi żviluppat il-litteriżmu kritiku tal-media u tal-informazzjoni, li huwa meħtieġ għaċ-ċittadini kollha; inklużi l-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, biex ikunu jistgħu jinnavigaw f’ambjent tal-media dejjem aktar kumpless, biex ixekklu l-possibbiltajiet għall-manipulazzjoni tal-perċezzjonijiet tal-fatti u l-avvenimenti u biex jifhmu kemm l-oriġini tal-aħbarijiet li jiddependu minnhom, il-mod kif jiġi prodott, liema interessi huma involuti fil-produzzjoni tagħha, u l-forzi editorjali u teknoloġiċi u forzi oħra involuti fil-filtrazzjoni tal-informazzjoni; |
30. |
Titlob lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali joħolqu u jżommu ambjent sigur u bla periklu għall-ġurnalisti u għal atturi oħra tal-media, inklużi l-ġurnalisti barranin, li jfittxu li jipprevjenu kwalunkwe użu ħażin tal-liġijiet jew ta’ dispożizzjonijiet differenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-libertà tal-media – bħal dawk dwar il-malafama, l-antiterroriżmu, is-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku, id-diskors ta’ mibegħda, u l-liġijiet dwar il-blasfemija jew il-memorja – li wisq sikwit jiġu applikati biex jintimidaw u jsikktu lill-ġurnalisti; tissottolinja l-importanza li jittieħed approċċ sensittiv għall-ġeneru meta jitqiesu miżuri biex tiġi indirizzata s-sikurezza tal-ġurnalisti; |
31. |
Tikkundanna b’mod strett il-forom kollha ta’ pressjoni użati għal skopijiet politiċi biex isikktu lill-media kritika jew lill-ġurnalisti indipendenti, speċjalment il-vjolenza, il-prosekuzzjoni kriminali u l-forom l-oħra kollha ta’ intimidazzjoni; tesprimi t-tħassib tagħha dwar it-theddid għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media ppreżentat minn xi politikanti, oligarki u l-ħbieb mill-qrib tagħhom billi jixtru strumenti tal-media kummerċjali u billi jaħtfu l-media tas-servizz pubbliku biex taqdi interessi partiġġjani; |
32. |
Titlob lill-gvernijiet iżidu t-trasparenza u jiżguraw aċċess xieraq għall-informazzjoni ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-media u l-organizzazzjonijiet għassiesa, inkluż billi jippubblikaw informazzjoni ta’ interess pubbliku; tikkundanna l-isforzi mill-gvernijiet biex jirrestrinġu bla bżonn l-aċċess għall-informazzjoni dwar kwistjonijiet importanti għall-pubbliku bl-użu ta’ ostakli amministrattivi mhux ġustifikati; |
33. |
Tħeġġeġ lill-pajjiżi tas-SL jinvestigaw bir-reqqa u b’mod trasparenti l-attakki fiżiċi, it-theddid u l-fastidju online kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-media, u jiżguraw ambjent tax-xogħol sigur u bla periklu għall-ġurnalisti u għall-ħaddiema tal-media li jirrapportaw miż-żoni ta’ kunflitt, mill-protesti pubbliċi u matul l-elezzjonijiet; |
34. |
Tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ħtif u l-priġunerija b’motivi politiċi ta’ ġurnalisti u ta’ ħaddiema tal-media, u titlob il-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-ġurnalisti u tal-persunal tal-media kollha li jinsabu l-ħabs inġustament fil-pajjiżi tas-SL; |
35. |
Titlob lill-UE u lis-sħab tal-Lvant tagħha jżidu l-appoġġ, inkluż dak finanzjarju, għal media libera u indipendenti, bħala bażi għal diskors pubbliku infurmat u għal soċjetajiet pluralistiċi, fid-dawl ta’ sfidi u problemi ta’ finanzjament dejjem akbar; |
36. |
Titlob lir-regolaturi nazzjonali jiżguraw trasparenza sħiħa min-naħa tal-kumpaniji privati u pubbliċi fl-użu tal-algoritmi, tal-intelliġenza artifiċjali u tat-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet, li ma għandux jintuża għall-fini tal-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika, kif ukoll biex jiżguraw trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-media privata u biex jiżdiedu r-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-media barranija tal-istat; |
37. |
Tirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tappoġġja raggruppament tal-media tas-SL ibbażat fuq l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; temmen li raggruppament bħal dan isaħħaħ l-ispazju ta’ informazzjoni transnazzjonali u jsaħħaħ il-koproduzzjonijiet bejn l-atturi tal-media mill-UE u mill-pajjiżi tas-SL sabiex tiġi enfasizzata d-diversità tagħhom u tiġi promossa kwalità għolja, b’mod partikolari fix-xandir pubbliku; |
38. |
Tinnota li l-pajjiżi għandhom jiżviluppaw il-politika u l-istrateġija diġitali tagħhom f’konformità ma’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u tal-KEDB; |
Ir-rwol ta’ ambjent elettorali ġust
39. |
Tafferma mill-ġdid li l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ġusti, ugwali u trasparenti li jsiru b’vot sigriet u li huma bbażati fuq prinċipji demokratiċi – u b’rispett sħiħ għad-dritt elettorali tal-parteċipazzjoni attiva u passiva taċ-ċittadini – tibqa’ l-kundizzjoni ewleniija għar-rappreżentanza demokratika u l-governanza tajba u effettiva; tħeġġeġ lill-atturi politiċi jiddiskutu u jadottaw riformi elettorali bbażati fuq appoġġ u konsultazzjonijiet bejn il-partiti mas-soċjetà ċivili biex jinkiseb l-aktar appoġġ wiesa’ possibbli; tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant itejbu s-sistemi tagħhom tal-votazzjoni u tal-għadd tal-voti; |
40. |
Tisħaq fuq l-importanza ta’ parlamenti b’saħħithom, b’mod partikolari fid-demokraziji fil-proċess ta’ konsolidazzjoni, biex tiġi evitata t-tentazzjoni minn reġimi presidenzjali iperċentralizzati li fl-aħħar jadottaw xejriet awtoritarji; |
41. |
Titlob lill-pajjiżi kollha tas-SL biex jimplimentaw rakkomandazzjonijiet pendenti tal-OSKE/tal-ODIHR u tal-Kummissjoni ta’ Venezja u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati fil-qafas elettorali jew fit-tħejjija u fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, rigward, fost l-oħrajn, il-finanzjament tal-kampanji, ir-rappreżentanza tal-oppożizzjoni fl-amministrazzjoni elettorali, u s-soluzzjoni tat-tilwim; |
42. |
Tilqa’ l-ħatra tal-Mibgħut Persunali tal-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, għad-djalogu politiku b’medjazzjoni mill-UE fil-Georgia, Christian Danielsson, u tħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha fil-Georgia jwarrbu l-interessi partiġġjani tagħhom f’ġieħ il-futur tal-Georgia, jaħdmu b’mod kostruttiv lejn is-soluzzjoni tal-kriżi fi spirtu ta’ kompromess u konċiljazzjoni u ma jkomplux iqanqlu klima politika li diġà hija sħuna; |
43. |
Tikkundanna bil-qawwa l-elezzjonijiet tal-2020 fil-Belarussja li saru mingħajr integrità, u b’mod partikolari r-repressjoni applikata mill-awtoritajiet kontra ċ-ċittadini tagħhom stess, li kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw b’mod paċifiku; |
44. |
Ittenni t-talba tal-UE li tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova, filwaqt li tisħaq li l-irtirar mingħajr kundizzjonijiet tal-militar, tal-vetturi tal-ġlied u tal-munizzjon Russi mit-territorji tar-Repubblika tal-Moldova, huwa l-unika garanzija għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt. Tissottolinja li l-konċessjonijiet unilaterali mitluba mill-medjaturi u l-osservaturi tal-5 + 2 ma jistgħux isiru għad-detriment tal-libertajiet kostituzzjonali taċ-ċittadini demokratiċi tal-Moldova. Tirrikonoxxi li ċ-ċittadini tal-Moldova għandhom igawdu d-dritt tagħhom li jgħixu f’pajjiż protett kontra theddid profond għas-sigurtà u għad-difiża u theddid ibridu, li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Moldova, li jkunu protetti mit-tiftix illegali jew mill-arresti diskrezzjonali tal-istrutturi mhux rikonoxxuti tal-korpi identità f’Tiraspol, u li dan għandu jitqies bħala prijorità meta mqabbel ma’ elementi oħra tas-soluzzjoni tal-kunflitt; |
45. |
Tappoġġja d-deċiżjonijiet tal-UE u ta’ ħafna stati Ewropej li ma jirrikonoxxux ir-riżultati tal-elezzjoni mħabbra mill-Kumitat Elettorali Ċentrali tal-Belarussja u li ma għadhomx jirrikonoxxu lil Alexander Lukashenka bħala l-president leġittimu tal-pajjiż wara li skada l-mandat tiegħu; |
46. |
Titlob lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Kunsill Ewropew jippromwovu viżjoni ambizzjuża dwar il-futur tas-SL, filwaqt li jqisu r-rieda tas-sħab assoċjati, inkluża r-Repubblika tal-Moldova, li jiżviluppaw aktar kooperazzjoni msaħħa mal-UE f’konformità mal-aspirazzjonijiet tagħhom ta’ integrazzjoni Ewropea; |
47. |
Tisħaq fuq il-ħtieġa għal regolamentazzjoni aħjar tal-kampanji elettorali diġitali u bbażati fuq id-data dwar il-media soċjali, ibbażati fuq is-segmentazzjoni tal-utenti u ż-żamma ta’ profili – speċjalment reklamar viżibbli għall-utenti mmirati biss fuq pjattaformi li jimmiraw lejn il-votanti potenzjali – biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-protezzjoni tad-data; |
48. |
Tinsab imħassba ħafna dwar l-interferenza esterna kontinwa fil-proċess elettorali sovran, li għandu l-għan li jinfluwenza d-dibattitu pubbliku u li jaffettwa l-preferenzi tal-votanti; tqis li dan joħloq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri preventivi xierqa; għalhekk, titlob li jissaħħu l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej, tal-Istati Membri tagħha u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jiġġieldu kontra kampanji ta’ diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi organizzati b’mod konxju, li spiss jitwettqu direttament minn pajjiżi terzi jew huma appoġġjati indirettament mill-awtoritajiet tagħhom; tindika, f’dan ir-rigward, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni reċenti appoġġjati mir-Russja u miċ-Ċina dwar il-kawżi u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19; |
49. |
Titlob lill-parlamenti nazzjonali jżommu lura milli jadottaw bidliet fil-leġiżlazzjoni elettorali inqas minn sena qabel l-elezzjonijiet, jew jintroduċu bidliet bħal dawn f’sitwazzjonijiet kritiċi biss, abbażi ta’ kunsens wiesa’ bejn l-atturi politiċi kollha u fi ħdan is-soċjetà; |
50. |
B’mod konsistenti mal-objettiv tal-UE ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp mas-sħab disposti u assoċjati kollha tagħha, kif indikat fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp u l-Aġenda għall-Bidla tal-2015, u bis-suppożizzjoni li jekk il-Moldova titqarreb lejn il-programmi, il-politiki u l-istandards tal-UE, ikun hemm impatt fuq il-kwalità tad-demokrazija parteċipattiva u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba, ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-iżvilupp sostenibbli, l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra li tistieden lill-Moldova biex tissieħeb f’oqsma u prijoritajiet ta’ politika ġodda, bħall-Politika ta’ Żvilupp Rurali tal-UE u l-Programm ta’ Finanzjament Leader; |
51. |
Tħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet iħaddnu riformi elettorali biex jiġu żgurati elezzjonijiet liberi, ġusti, kompetittivi u trasparenti u jħeġġu l-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali, partikolarment fl-adozzjoni ta’ emendi leġiżlattivi lil-liġijiet elettorali u lill-finanzjament tal-partiti, mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja; |
52. |
Tilqa’ missjonijiet independenti u internazzjonali tal-osservazzjoni tal-elezzjonijiet fil-pajjiżi tas-SL biex jiġi appoġġjat il-proċess tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-proċessi elettorali u l-obbligu ta’ rendikont demokratiku; |
53. |
Tinnota li d-deċiżjonijiet għall-organizzazzjoni jew għall-posponiment tal-elezzjonijiet jew tar-referenda f’sitwazzjoni ta’ pandemija għandhom jittieħdu biss wara li jiġu evalwati bir-reqqa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi taż-żewġ xenarji, u wara li jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati differenti fil-proċess elettorali, kif ukoll l-awtoritajiet responsabbli għall-iżgurar tas-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà pubblika; |
54. |
Tikkundanna bil-qawwa l-votazzjoni illegali u l-hekk imsejħa elezzjonijiet organizzati mill-Federazzjoni Russa fit-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna, tal-Georgia u tal-Moldova, u titlob lill-istituzzjonijiet internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea kollha u lill-Istati Membri tagħhom jastjenu minn kwalunkwe forma ta’ rikonoxximent tal-leġittimità tal-votazzjoni, tar-referenda u tal-persuni “eletti” fit-territorju tar-reġjuni tal-Krimea, ta’ Luhansk u ta’ Donetsk u tar-reġjuni tal-Georgia fl-Abkażja u r-reġjun ta’ Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; Tirrikonoxxi li ċ-ċittadini tal-Moldova għandhom igawdu d-dritt tagħhom li jiċċaqilqu liberament f’pajjiżhom, mingħajr restrizzjonijiet ta’ kontroll illegali, u jgħixu mingħajr theddid għal ħajjithom, ikunu protetti mit-tiftix illegali jew mill-arresti diskrezzjonali tal-istrutturi mhux rikonoxxuti tal-korpi separatisti f’Tiraspol, u dan għandu jitqies bħala prijorità meta mqabbel ma’ elementi oħra tas-soluzzjoni tal-kunflitt; |
55. |
Tagħti struzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL. |
8.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 361/10 |
RIŻOLUZZJONI
dwar is-sinerġiji bejn l-edukazzjoni u l-ekonomija fl-UE u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant
(2021/C 361/02)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
— |
wara li kkunsidrat l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat mill-2004, u l-komponent tas-Sħubija tal-Lvant tagħha mill-2009, u b’mod partikolari r-rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha, |
— |
wara li kkunsidrat l-Artikoli 5 u 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli 145 sa 149 (Titolu IX – L-Impjieg) u l-Artikoli 166 u 165 (Titolu XII – Edukazzjoni, formazzjoni vokazzjonali, żgħażagħ u sport), |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia (1), bejn l-UE u l-Moldova (2), bejn l-UE u l-Ukrajna (3), inklużi ż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi, il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-UE u l-Armenja (4), u l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan (5), |
— |
wara li kkunsidrat l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011 (li ġie mmodifikat l-aħħar fis-26 ta’ Ġunju 2018) (6), |
— |
wara li kkunsidrat id-dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tad-9 ta’ Ġunju 2017 bit-titolu “Eastern Partnership - 20 Deliverables for 2020 focusing on key priorities and tangible results” (Sħubija tal-Lvant - 20 Riżultat għall-2020 li jiffokaw fuq prijoritajiet ewlenin u riżultati tanġibbli), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-tisħiħ tar-Reżiljenza Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020, |
— |
wara li kkunsidrat il-messaġġ tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-12 ta’ Ġunju 2020 fl-okkażjoni tat-Telekonferenza bil-Vidjo tal-Mexxejja tas-Sħubija tal-Lvant tat-18 ta’ Ġunju 2020, |
— |
wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta’ Ġunju 2020 (7), |
— |
wara li kkunsidrat il-kummenti magħmula mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel wara Telekonferenza bil-Vidjo tal-mexxejja tas-Sħubija tal-Lvant tat-18 ta’ Ġunju 2020, |
— |
wara li kkunsidrat il-pjan ta’ azzjoni 2018-2020 tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar l-innovazzjoni u r-riformi fl-edukazzjoni fl-UE u fil-pajjiżi tas-Sħab tal-Lvant: sfidi u opportunitajiet (8), |
— |
wara li kkunsidrat l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta’ Settembru 2015, u b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 4 dwar l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd, |
— |
wara li kkunsidrat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, u b’mod partikolari l-Pilastru 1 dwar id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużiv għal kull persuna sabiex iżżomm u tikseb ħiliet li jippermettulha tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u timmaniġġja b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, |
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (9), |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, l-esperjenza tax-xogħol u d-diplomi universitarji fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja (10), |
— |
wara li kkunsidrat id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2016 bit-titolu “Analytical underpinning for a New Skills Agenda for Europe” (Bażi Analitika għal Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2016 bit-titolu “Aġenda ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività” (COM/2016/0381), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2016 dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni (COM(2016)0941), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2018 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM(2018)0022), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020, dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)624), |
— |
wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2018 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (COM(2018)0023), |
— |
wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2018 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (COM(2018)0024), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 bit-titolu “Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura” (COM/2018/0268), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020)625), |
— |
wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż (11), |
— |
wara li kkunsidrat il-Communiqué Ministerjali ta’ Ruma tad-19 ta’ Novembru 2020 b’segwitu tal-laqgħa ministerjali taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar l-edukazzjoni fl-era diġitali: sfidi, opportunitajiet u tagħlimiet għat-tfassil tal-politika tal-UE (12), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020), |
— |
wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2020 dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”, |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020, bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624), li jibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni Diġitali 2018-2020, |
— |
wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-25 ta’ Ġunju 1958, |
— |
wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni dwar l-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-xogħol tat-23 ta’ Ġunju 1975, |
— |
wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2020 għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2020)0070), u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2020 u r-riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar din il-proposta (13), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (COM(2020)0102), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0456), |
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta’ Lulju 2020 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew ta’ bejn is-17 u l-21 ta’ Lulju 2020 (14) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta’ Diċembru 2020, |
— |
wara li kkunsidrat ir-rapport tal-Kummissjoni “dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-pajjiżi terzi fl-2019” (COM(2020)296), |
— |
wara li kkunsidrat ir-Rapport Annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2018 dwar il-Fond Fiduċjarju għall-Assistenza Teknika tas-Sħubija tal-Lvant, |
— |
wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Lulju 2018 li tistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)434), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 biex jiġi stabbilit il-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari billi ssir enfasi biex jiġu żgurati sħubiji ambjentali, enerġetiċi u klimatiċi mal-Istati tas-Sħubija tal-Lvant (COM(2019)640), |
— |
wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD (UE) 2017/1601, |
— |
wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2020 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (COM(2020)408), |
— |
wara li kkunsidrat il-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Klima tan-NU tat-12 ta’ Diċembru 2015, |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2021 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Front magħqud biex negħlbu l-COVID-19”, b’mod partikolari biex jiġi żgurat l-aċċess għal xi wħud mit-2.3 biljun doża garantiti mill-UE lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (COM(2021)35), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020, bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)103), |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2019 dwar l-indħil elettorali barrani u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa, |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2020 dwar Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari (COM(2020)98), |
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (2009/C119/02), |
— |
wara li kkunsidrat il-ftehim tal-15 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar patt proviżorju dwar il-programm l-UE għas-Saħħa għall-2021-2027 (COM(2020)405), |
A. |
billi s-Sħubija tal-Lvant (SL), imnedija fl-2009 bħala inizjattiva ta’ politika konġunta, għandha l-għan li tapprofondixxi u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sitt ġirien tal-Lvant tagħha (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna); |
B. |
billi l-isforzi kollettivi fl-ambitu tal-proġett tas-Sħubija tal-Lvant diġà rriżultaw f’benefiċċji konsiderevoli u tanġibbli għan-nies fl-Ewropa inkluż aktar kummerċ, mobilità, żvilupp ekonomiku akbar, aktar kuntatti bejn in-nies u kwalità tal-ħajja aħjar; |
C. |
billi l-istrateġija “Politika ta’ Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020” imressqa mill-Kummissjoni u mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tisħaq fuq l-importanza tal-istabbilizzazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli miksub permezz tal-investiment fil-modernizzazzjoni ekonomika b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ u l-qgħad, bil-għan li tingħata spinta lill-prosperità madwar l-Ewropa; |
D. |
billi l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (JOIN(2016)29) tieħu l-impenn li tappoġġja skambju kulturali/soċjali vibranti bejn l-UE u s-sħab tal-Lvant tagħha, biex tinvolvi liċ-ċittadini, lill-atturi tal-Istat u lill-operaturi kulturali bl-istess mod, issaħħaħ is-soċjetà ċivili u toffri opportunitajiet ekonomiċi akbar; |
E. |
billi d-dritt għall-edukazzjoni huwa minqux fl-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dwar id-dritt għall-edukazzjoni; |
F. |
billi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma parti integrali mill-oqsma ewlenin kollha ta’ kooperazzjoni tas-SL, bi prijoritajiet speċifiċi identifikati għal kull pajjiż; billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi, inkluż tal-persuni LGBTI, minn kull forma ta’ intolleranza u diskriminazzjoni, hija direttament marbuta mal-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità mill-popolazzjoni; |
G. |
billi d-dritt li wieħed jaħdem u li jwettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament huwa mnaqqax fl-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
H. |
billi l-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ tħassib komuni u jeħtiġilhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom kif xieraq fi ħdan il-Kunsill; |
I. |
billi l-UE qed taħdem mal-Istati Membri tagħha biex issegwi Strateġija Ewropea koordinata dwar l-Impjiegi, li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejniethom, u li tappoġġja u tevalwa l-isforzi tagħhom, pereżempju permezz tas-Semestru Ewropew, il-linji gwida dwar l-impjieg u l-monitoraġġ tal-politiki nazzjonali permezz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż; |
J. |
billi l-UE jeħtiġilha tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ vokazzjonali u politiki taż-żgħażagħ, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd, billi tħeġġeġ lill-Istati Membri tagħha u, fejn meħtieġ, tappoġġja, tikkoordina u tikkomplementa l-azzjonijiet tagħhom; |
K. |
billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, approvat mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 2017, jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-apprendiment tul il-ħajja, tal-opportunitajiet indaqs irrispettivament mill-ġeneru, mill-oriġini razzjali jew etnika, mir-reliġjon jew mit-twemmin, mid-diżabilità, mill-età jew mill-orjentazzjoni sesswali, l-appoġġ attiv fil-kisba tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, jissottolinja b’mod partikolari li ż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni ulterjuri, apprendistat, traineeship jew offerta ta’ impjieg ta’ pożizzjoni tajba fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew jitilqu mill-edukazzjoni, u jisħaq li t-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni bikrija bi prezz raġonevoli; |
L. |
billi l-qafas ta’ abilitazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ġie propost mill-Kummissjoni biex jieħu post il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) u biex ikompli jkun forum li jippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jiskambjaw l-aħjar prattiki, jitgħallmu minn xulxin, jiġbru u jxerrdu l-għarfien, u jmexxu ’l quddiem ir-riformi tal-politika edukattiva fil-livelli nazzjonali u reġjonali; billi l-ET 2020 il-qafas il-ġdid għandu jkun ibbażat ukoll fuq approċċ ta’ apprendiment tul il-ħajja, li jindirizza l-eżiti mit-taħriġ vokazzjonali bikri tat-tfal sal-adulti u l-edukazzjoni għolja, u li jkopri l-apprendiment fl-oqsma kollha u f’kull forma (formali, mhux formali u informali); |
M. |
billi l-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment online u mill-bogħod għall-edukazzjoni primarja u sekondarja, li tiffoka fuq fehim komuni u mifrux mal-UE kollha dwar kif it-tagħlim mill-bogħod, online u mħallat isir effettiv, inklużiv u involut sa tmiem l-2021; |
N. |
billi bħalissa qed titħejja rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatturi abilitanti għall-edukazzjoni b’suċċess sal-2022; |
O. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 wasslet għal bidla enormi u bla preċedent fil-metodi ta’ tagħlim, taħriġ u telexogħol online, li jirrikjedu soluzzjonijiet innovattivi ta’ apprendiment mill-bogħod u jrawmu trasformazzjoni diġitali pożittiva fit-tul, bir-riskju li disparitajiet kbar fl-aċċess għat-teknoloġija jistgħu jikkontribwixxu għal distakki fil-kisbiet fost l-istudenti u l-ħaddiema; |
P. |
billi l-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir, għall-impjiegi, għall-ekwità soċjali u għall-inklużjoni tenfasizza l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jżidu l-investiment tagħhom fil-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha; |
Q. |
billi l-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment ta’ ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u qed tikkoopera mas-settur tan-negozju sabiex tidentifika u taġġorna l-ħtiġijiet tal-ħiliet hekk kif jitfaċċaw; |
R. |
billi d-diskrepanza persistenti bejn il-kwalifiki offruti mill-istituzzjonijiet akkademiċi u vokazzjonali, u d-domandi li qed jinbidlu malajr tas-suq tax-xogħol – ikkaratterizzati f’dawn l-aħħar snin mill-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u tas-settur terzjarju kollu kemm hu – jibqgħu sfida ewlenija għal xi Stati Membri tal-UE u, sa ċertu punt, għas-Sħab tal-Lvant; |
S. |
billi l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni regolari u sostanzjali fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, li jinvolvu lil partijiet ikkonċernati bħall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji, is-sħab soċjali u l-aġenziji tal-impjieg u ż-żgħażagħ infushom, huma kruċjali biex titnaqqas din id-diskrepanza; |
T. |
billi fi ħdan l-arkitettura multilaterali riveduta tas-SL, il-Pjattaforma 4 (mobilità u kuntatti bejn il-persuni) taħdem biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tas-SL fil-programmi tal-UE f’oqsma bħall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u għandha l-għan li tagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u li ttejjeb l-għarfien u trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dawn l-oqsma; |
U. |
billi l-UE, l-Istati Membri tagħha u s-Sħab tal-Lvant tagħha jeħtiġilhom jiddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom għal edukazzjoni, apprendistati u traineeships ta’ kwalità, u għal opportunitajiet ġusti f’suq tax-xogħol inklużiv, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu min-naħa tagħhom għal ekonomija Ewropea kompetittiva u sostenibbli; |
V. |
billi l-Aġenda l-Ġdida għall-Ħiliet hija pjan ta’ ħames snin li se jgħin liċ-ċittadini tal-UE jiżviluppaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar u jużawhom, u tippermettilhom isibu impjiegi ta’ kwalità u b’hekk isaħħu l-kompetittività sostenibbli, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi l-aġenda se tiżgura wkoll opportunitajiet indaqs, tpoġġi fil-prattika l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd, kullimkien fl-UE), u tibni reżiljenza biex tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jirreaġixxu għall-kriżijiet, abbażi tat-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19; |
W. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 ġabet kaos fost il-familji, il-ħaddiema u n-negozji tal-Ewropa, u għalhekk tirrikjedi rispons mingħajr preċedent; |
X. |
billi l-UE teħtieġ trasformazzjoni tal-ħiliet fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jirnexxu matul it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u tiffaċilita l-irkupru tagħha mill-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19; |
Y. |
billi huwa essenzjali li l-Istati Membri tal-UE u l-gvernijiet tas-Sħab tal-Lvant tagħha jkejlu d-diskrepanza fil-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti tagħhom u mbagħad jinvestu ħafna biex jagħlquha; |
Z. |
billi dan l-irkupru jrid ikun ibbażat fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa, sabiex l-ekonomiji tal-Istati Membri joħorġu mill-kriżi tal-COVID-19 aktar b’saħħithom, aktar reżiljenti, aktar sostenibbli u aktar kompetittivi, u jistgħu jmexxu t-tranżizzjonijiet doppji lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali; |
1. |
Tfakkar li d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-24 ta’ Novembru 2017 enfasizzat l-impenn tal-parteċipanti li jinvolvu ruħhom bis-sħiħ mas-sħab kollha fl-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u li jiffukaw fuq l-appoġġ u l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ; |
2. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jaħdmu flimkien lejn ekonomiji reżiljenti, sostenibbli u integrati, jiġifieri billi jżidu l-investiment tagħhom fin-nies, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, u billi jgħaqqdu aħjar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni mal-ħtiġijiet tas-settur tan-negozju; |
3. |
Tħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex isegwu erba’ objettivi komuni, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fl-ET 2020 u biex jiġu żviluppati aktar fil-qafas ta’ abilitazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: l-apprendiment tul il-ħajja u l-mobilità jsiru realtà, jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jiġu promossi l-ekwità, il-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, u jissaħħu l-kreattività u l-innovazzjoni, inkluż l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ; |
4. |
Tinsisti li kulħadd fl-Ewropa għandu jkollu aċċess għal programmi ta’ apprendiment tul il-ħajja attraenti, innovattivi u inklużivi, waħda mir-raġunijiet hija li l-ħiliet qed isiru obsoleti aktar malajr, li jtejjeb l-opportunitajiet tal-ħajja tal-istudenti u jistabbilixxi l-bażi għal ċittadinanza attiva, mobilità soċjali u soċjetà aktar ġusta; |
5. |
Tisħaq li politiki dwar l-edukazzjoni u l-apprendiment tul il-ħajja kkalibrati tajjeb għandhom rwol ċentrali fl-allinjament aħjar tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol mal-ħtiġijiet tal-ekonomija, u li n-nies mgħammra bil-ħiliet verament meħtieġa fis-suq tax-xogħol huma marbuta li jkollhom opportunitajiet ta’ impjieg aħjar; tinnota li l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, inkluża l-edukazzjoni vokazzjonali, huwa kruċjali għall-edukazzjoni tal-adulti u għall-apprendiment tal-ħiliet bħala parti minn approċċ ta’ apprendiment tul il-ħajja; tisħaq li l-involviment tal-mexxejja tal-iżvilupp tal-edukazzjoni, tan-negozju u tal-forza tax-xogħol huwa kruċjali biex jinħoloq qafas għal kif il-pajjiżi jistgħu jallinjaw b’mod aktar effettiv is-sistemi edukattivi u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali; |
6. |
Tisħaq fuq l-importanza tal-kontinwazzjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) mill-istrument il-ġdid tal-NDICI, inkluża l-allokazzjoni ta’ mill-inqas EUR 19.2-il biljun għall-proġetti tal-Viċinat tal-Lvant, għall-perjodu 2021-2027; |
7. |
Tinsisti li jridu jiġu promossi bir-reqqa riformi edukattivi permezz tal-implimentazzjoni ta’ programmi ewlenin, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont Ewropa, sabiex jiġu evitati nuqqasijiet futuri bejn is-sistemi edukattivi u d-domanda għas-suq tax-xogħol fl-Istati tas-SL; |
8. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jsaħħu l-kuntatti bejn il-persuni u jirrikonoxxu l-importanza tal-mobilità transfruntiera fl-ambitu tal-programm tal-Pjattaforma tas-SL 4 “Mobilità u kuntatti bejn il-persuni”; |
9. |
Tisħaq fuq l-importanza li jiġu promossi l-multilateraliżmu, il-prijoritajiet strateġiċi u l-kisba ta’ impenji u objettivi internazzjonali ewlenin li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, l-Aġenda 2030 u l-Ftehim ta’ Pariġi; |
10. |
Tiddeplora l-aspettattiva li t-teknoloġiji diġitali għall-edukazzjoni u t-taħriġ ġeneralment se jtejbu s-sinerġija bejn l-ekonomija u l-edukazzjoni, u li l-investimenti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ se jwasslu għal riżultati pożittivi; tissottolinja l-ħtieġa li l-ICTs jiġu integrat fil-proċessi tat-tagħlim u tal-apprendiment u li l-edukazzjoni tiġi mfassla mill-ġdid mit-trażmissjoni tal-għarfien għall-ħolqien konġunt tal-għarfien; dan għandu jinkludi firxa wiesgħa ta’ trasformazzjonijiet inkluż awtonomija mtejba tal-iskejjel u tal-għalliema; l-introduzzjoni ta’ forom ibridi ġodda ta’ apprendiment kif ukoll riformi sostanzjali fil-valutazzjoni tal-istudenti filwaqt li dejjem tingħata prijorità lill-apprendiment in persona minħabba li l-iskejjel jiżguraw rwol pastorali li ma jistax jiġi rreplikat online; |
11. |
Tisħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi tas-SL itejbu l-kwalità tas-sistemi edukattivi tagħhom, b’mod partikolari billi jħarrġu mill-ġdid lill-għalliema u billi jimmodernizzaw is-sistema tal-edukazzjoni biex jagħmluha adatta għall-era diġitali; tfaħħar lill-Georgia talli qiegħda turi t-triq f’dan ir-rigward, permezz tal-Pjan ta’ Riforma tal-Edukazzjoni tagħha għall-2018-2023 li għandu l-għan li jallinja s-sistema edukattiva tal-Georgia mal-istandards Ewropej, b’enfasi speċjali mqiegħda fuq l-iskejjel sekondarji u ċ-ċentri ta’ taħriġ vokazzjonali; |
12. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jsaħħu l-istrateġiji tagħhom u jżidu l-investimenti tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, sabiex jipprovdu edukazzjoni bi prestazzjoni għolja, aċċessibbli u inklużiva, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-apprendiment tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, b’enfasi b’mod partikolari fuq l-għoti ta’ appoġġ effettiv lill-ħaddiema u lill-persuni qiegħda, u l-użu sħiħ tal-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni inkluża enfasi fuq il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti ta’ kompetenza diġitali u ekoloġika; |
13. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jsegwu dawn l-objettivi billi jipprovdu infrastruttura, konnettività u tagħmir diġitali aħjar, billi jħarrġu lill-għalliema biex jilqgħu t-teknoloġija u japplikaw metodoloġiji diġitali, u jippromwovu kontenut ta’ apprendiment tal-ogħla kwalità, għodod faċli għall-utent u pjattaformi siguri li jirrispettaw il-privatezza u l-istandards etiċi u jsaħħu r-reżiljenza lejn iċ-ċibertheddid; |
14. |
Tinnota li l-edukazzjoni u l-mobilità għall-apprendiment irawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi u esperjenzi ewlenin li huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod ġenerali, u tenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi sabiex tissaħħaħ din il-mobilità; tissottolinja f’dan ir-rigward li Erasmus+ (2014-2020), programm emblematiku tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, kien kontributur ewlieni għall-ET 2020, peress li pprovda opportunitajiet lil aktar minn erba’ miljun Ewropew biex jistudjaw, jitħarrġu u jiksbu esperjenza barra mill-pajjiż, u għalhekk għamel il-prinċipju tat-apprendiment tul il-ħajja realtà; tistieden lill-Kummissjoni tesplora modi kif iżżid l-involviment tal-istudenti u l-ħaddiema żgħażagħ mill-pajjiżi tas-SL fi proġetti ta’ mobilità bbażati fl-UE, inklużi attivitajiet ta’ volontarjat; |
15. |
Tinnota li l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ enfasizzat l-impatt pożittiv tal-mobilità fuq il-kunfidenza, l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u l-integrazzjoni sussegwenti tal-istudenti fis-suq tax-xogħol, u kkontribwiet għall-ħolqien ta’ sens ta’ identità Ewropea; tisħaq fuq l-importanza ta’ aktar kuntatti bejn in-nies, tagħlim reċiproku bejn ir-riċevituri tal-Istati Membri u s-Sħab tal-Lvant tagħha, u żieda fl-iskambji kulturali reċiproċi, miksuba permezz ta’ użu usa’ tal-programm Erasmus+; |
16. |
Tinnota li l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni jrid jipprovdi mhux biss appoġġ finanzjarju iżda wkoll qafas ċar ta’ politiki soċjali, tal-impjieg u tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol biex is-sħab jitħejjew għal sħubija futura tal-Unjoni Ewropea u jiġi appoġġjat il-proċess ta’ adeżjoni tagħhom; |
17. |
Tinsisti li, f’kuntest ta’ ambjenti ta’ edukazzjoni, taħriġ u impjieg globalizzati, huwa essenzjali li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet kollha ta’ apprendiment madwar l-Ewropa; tilqa’, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li l-baġit għall-programm suċċessur tal-Erasmus+ għall-perjodu 2021-2027 – Erasmus – jiġi rduppjat għal EUR 30 biljun u li se jkun hemm enfasi akbar fuq l-inklużjoni ta’ persuni b’anqas opportunitajiet; |
18. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jgħinu lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet jiksbu livell minimu ta’ litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali, pereżempju permezz ta’ inċentivi finanzjarji mmirati u opportunitajiet ta’ apprendiment modulari biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni fit-taħriġ; |
19. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jipprovdu assistenza fil-proġetti tal-istrument ta’ Ġemellaġġ billi jipprovdu għarfien espert pubbliku kemm mill-amministrazzjoni pubblika fl-Istati tas-SL, filwaqt li jimplimentaw attivitajiet li jinkludu workshops, sessjonijiet ta’ taħriġ, missjonijiet ta’ esperti, żjarat ta’ studju, internships u konsulenza biex titħejja forza tax-xogħol b’ħiliet f’diversi oqsma, b’mod partikolari f’ekonomiji diġitali, ċirkolari u ekoloġiċi; |
20. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha joħolqu programmi tas-SL immirati f’universitajiet speċjalizzati u pjattaforma edukattiva elettronika għal korsijiet ta’ taħriġ online ffukati fuq il-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-amministrazzjoni pubblika u l-qerda tal-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-SL; |
21. |
Tappoġġja t-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u edukattiva fost il-pajjiżi tal-UE u tas-SL, inklużi l-kooperazzjoni intra-SL u l-istabbiliment ta’ ċentri reġjonali ta’ appoġġ għall-eċċellenza akkademika u tar-riċerka fir-reġjun; |
22. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha janalizzaw u jaqsmu l-aħjar prattiki dwar kif jimmaniġġjaw il-moviment ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet u kwalifikati bejn il-pajjiżi, u b’hekk jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal “fluss ta’ mħuħ” ibbilanċjat tajjeb, u l-prevenzjoni tat-telf ta’ forza tax-xogħol żagħżugħa u edukata b’effett detrimentali għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom; |
23. |
Tħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri tal-UE u mal-pajjiżi tas-SL biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-ET 2020, jiġifieri li mill-anqas 95 % tat-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal, li anqas minn 10 % tat-tfal jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ kmieni, li s-sehem tal-gradwati fl-edukazzjoni għolja jiżdied għal mill-anqas 40 % ta’ dawk ta’ bejn it-30 u l-34 sena, li mill-anqas 15 % tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena jipparteċipaw fl-apprendiment tul il-ħajja fi kwalunkwe ħin partikolari, li mill-anqas 20 % tal-gradwati fl-edukazzjoni għolja u 6 % ta’ dawk ta’ bejn it-18 u l-34 sena bi kwalifika vokazzjonali inizjali kellhom iqattgħu xi żmien jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom, u li mill-anqas 82 % tal-gradwati tal-edukazzjoni sekondarja għolja jew għolja ta’ bejn l-età ta’ 20 u 34 sena li telqu mill-edukazzjoni bejn sena u tliet snin ilu jkunu qed jaħdmu; |
24. |
Tinnota b’sodisfazzjon li l-pajjiżi kollha tas-SL irnexxielhom jirreġistraw lit-tfal fl-iskejjel u jżommuhom fl-edukazzjoni, minkejja l-isfidi ekonomiċi; |
25. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha biex jissalvagwardjaw il-libertà akkademika bħala parti mill-implimentazzjoni tal-proċess ta’ Bolonja u f’konformità mal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali; tfakkar f’dan ir-rigward li l-attivitajiet tal-edukazzjoni għolja jeħtieġu mudell regolatorju għall-awtonomija istituzzjonali; |
26. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jtejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali bażiċi minn età bikrija, u jiżviluppaw kurrikuli attraenti tal-edukazzjoni għolja li jipproduċu aktar speċjalisti diġitali, filwaqt li jiżguraw li tingħata attenzjoni speċjali lill-opportunitajiet indaqs u lill-bilanċ bejn il-ġeneri fl-istudji u fil-karrieri diġitali; |
27. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet ta’ gruppi żvantaġġjati, iddiskriminati u emarġinati fl-edukazzjoni filwaqt li jiżguraw ukoll li ma jkunux esklużi b’mod doppju fl-ambjent tat-tagħlim online; |
28. |
Tissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat id-dritt għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet u f’żoni ta’ kunflitt u tenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-iskejjel peress li għandhom jipprovdu spazju sikur fejn it-tfal jistgħu jiġu protetti minn theddid u kriżijiet; tinnota li l-edukazzjoni hija pass kritiku fit-tkissir taċ-ċiklu tal-kriżi u tnaqqas il-probabbiltà ta’ kunflitti futuri; |
29. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri u jippromwovu tagħlim aktar sensittiv għall-ġeneru fl-iskejjel, f’konformità mal-Istrateġija l-ġdida għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, sabiex jippromwovu kultura ugwali tal-ġeneri fuq il-post tax-xogħol u jgħinu fil-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, inkluż l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru; |
30. |
Tenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell Ewropew fit-tagħlim mill-kriżi tal-COVID-19, li matulha t-teknoloġija ntużat fuq skala mingħajr preċedent fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fix-xogħol, biex b’hekk timmarka mument definit, li jibdel b’mod sinifikanti x-xenarju edukattiv; tissottolinja li din il-kriżi waslet għal lakuni fl-aċċess għall-Internet u opportunitajiet online aktar skarsi, iżda hija wkoll opportunità biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru adatti għall-era diġitali, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-2021-2027; |
31. |
Tisħaq li kwalunkwe teknoloġija għandha tkun komplementari għal “tradizzjonali” u fit-tagħlim in pesona, u tindika l-problemi li ħafna nies, b’mod partikolari t-tfal, esperjenzaw minħabba li ma setgħux isegwu l-iskola online minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-elettriku, għall-Internet jew għal kompjuter, kif ukoll minħabba l-ħiliet diġitali meħtieġa; |
32. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jżidu s-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti – bħall-atturi tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, it-trade unions, is-sħab soċjali, l-istituzzjonijiet akkademiċi, iċ-ċentri ta’ taħriġ u l-aġenziji tal-impjiegi – u jinvolvuhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-miżuri rispettivi tagħhom, sabiex jiġu identifikati u jingħalqu l-lakuni bejn il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tagħhom, u l-kwalifiki akkademiċi u l-ħiliet vokazzjonali offruti mis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom; |
33. |
Tenfasizza l-fatt li l-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), għandhom rwol importanti fil-pajjiżi tas-SL billi jipprovdu liż-żgħażagħ l-għodod u l-għarfien biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ċiviċi u joħolqu futur aħjar għalihom infushom u għall-pajjiżi tagħhom; titlob lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Istati Membri u lis-Sħab tal-Lvant jappoġġjaw il-ħidma tal-EED u tal-EIDHR, u jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal għall-kooperazzjoni u s-sinerġiji mas-sħab tal-Lvant dwar l-aspett tal-edukazzjoni demokratika; |
34. |
Tissottolinja li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-settur tan-negozju hija kruċjali biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna jibqgħu validi fil-futur; tfakkar li t-tranżizzjonijiet effettivi mill-iskola għax-xogħol jiddependu minn impenn qawwi bejn l-istituzzjonijiet tan-negozju u tal-edukazzjoni għolja biex jadattaw il-kurrikuli, jipprovdu internships u mentorships filwaqt li dejjem jippreservaw l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ; tinkoraġġixxi l-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex iż-żgħażagħ jiġu mħarrġa u jikkomunikaw l-aspettattivi tal-impjegaturi dwar il-ħiliet tal-forza tax-xogħol futura; |
35. |
Tistieden lill-Kummissjoni tesplora modi possibbli li bihom l-Istati Membri tal-UE u s-Sħab tal-Lvant tagħhom jistgħu jintegraw l-intraprenditorija fl-edukazzjoni minn età bikrija u jtejbu l-appoġġ għall-imprendituri żgħażagħ; |
36. |
Tissottolinja li l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-pajjiżi tas-SL se ġġib benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tagħhom – f’konformità mal-prinċipji sottostanti tal-Politika ta’ Sħubija tal-Lvant – il-prevenzjoni tat-telf ta’ kapital intellettwali, u t-trawwim tar-reżiljenza ekonomika; |
37. |
Tinnota li klima kummerċjali favorevoli, b’regolamenti intelliġenti, trasparenti, ċari u prevedibbli u b’burokrazija minima, hija indispensabbli għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, tan-negozji ġodda u tal-innovazzjoni, filwaqt li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni tista’ tipprovdi l-opportunitajiet ekonomiċi tant meħtieġa għall-imprendituri żgħażagħ emerġenti; |
38. |
Tistieden lill-Kummissjoni jkollha rwol aktar proattiv fl-identifikazzjoni, fil-kondiviżjoni u fl-espansjoni ta’ prattiki tajbin fil-qasam tal-edukazzjoni diġitali, u fit-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali billi toħloq Ċentru Ewropew għall-Edukazzjoni Diġitali ġdid; |
39. |
Tissottolinja l-ħtieġa li jitnieda proġett pilota mmirat lejn il-ħolqien ta’ Ċentru għax-Xjenza Miftuħa u l-Innovazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, network ta’ ċentri tematiċi ta’ kompetenza li jinsabu f’kull pajjiż tas-SL biex jipprovdu appoġġ u servizzi ta’ riċerka u innovazzjoni; |
40. |
Tinnota li, filwaqt li l-Istati Membri tal-UE jżommu primarjament ir-responsabbiltà għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, l-UE nnifisha diġà għandha rwol ewlieni billi tappoġġja u tissupplimenta l-isforzi tagħhom, b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop); |
41. |
Tistieden lill-Kummissjoni timmonitorja aktar mill-qrib l-effetti tal-fondi tal-UE fuq iż-żgħażagħ u tintegra l-kunsiderazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-baġit u fil-politika makroekonomika tal-UE; |
42. |
Tħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja jżidu l-isforzi tagħhom biex, sal-2025, jiksbu rikonoxximent awtomatiku u reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja kif ukoll l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018, u b’hekk ikompli jkun hemm żvilupp fil-progress li diġà sar f’fora oħra, b’mod partikolari l-proċess ta’ Bolonja u l-Konvenzjoni ta’ Rikonoxximent ta’ Lisbona; tistieden lill-pajjiżi parteċipanti kollha biex, madwar l-Ewropa, inaqqsu l-ostakli għall-apprendiment u jippromwovu edukazzjoni u taħriġ innovattivi u inklużivi għal kulħadd, biex b’hekk iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għolja ssir realtà; |
43. |
Tħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta’ Lisbona), b’kunsiderazzjoni xierqa tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Parti għal din il-Konvenzjoni filwaqt li tirrikonoxxi d-diplomi tal-edukazzjoni għolja fi ħdan Erasmus+ u programmi edukattivi oħra, kif ukoll fil-kooperazzjoni bilaterali tagħhom; |
44. |
Tistieden lill-UE tkompli tespandi l-appoġġ tagħha għaż-żgħażagħ fil-Viċinat tal-Lvant, filwaqt li żżid il-finanzjament minn EUR 75 miljun għall-perjodu 2014-2016 għal EUR 340 miljun għall-perjodu 2017-2020, fl-ambitu tal-pakkett dwar l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, li għandu l-għan li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex iż-żgħażagħ jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu u jinvolvu ruħhom fis-soċjetà; tistieden lill-UE tkompli ttejjeb l-appoġġ tagħha f’dan ir-rigward; |
45. |
Tilqa’ l-ftuħ tal-ewwel skola Ewropea tas-Sħubija tal-Lvant f’Settembru 2018 f’Tbilisi; tfakkar li, bħala wieħed mill-“20 Riżultat tanġibbli għas-Sħubija tal-Lvant għall-2020”, din l-iskola emblematika tipprovdi lill-istudenti mis-sitt pajjiżi kollha tas-SL bi programm innovattiv li huwa rikonoxxut madwar id-dinja; tistieden lill-UE tikkunsidra li tiftaħ skejjel simili f’pajjiżi oħra tas-SL; |
46. |
Tistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lis-Sħab tal-Lvant tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta’ sinerġiji effettivi bejn l-edukazzjoni u l-ekonomija billi jużaw il-prinċipji ta’ gwida stabbiliti fid-dikjarazzjonijiet tas-SL (COM(SWD(2020)56) jiġifieri d-Demokrazija, il-Governanza tajba u l-Istabbiltà; biex joħolqu inizjattivi dwar l-edukazzjoni kulturali u demokratika bil-għan li jagħtu spinta lill-mobilità u lill-kuntatti bejn il-persuni; u jiksbu soċjetajiet aktar b’saħħithom permezz ta’ żvilupp sostenibbli, soċjali u ekonomiku; |
47. |
Tilqa’ l-“Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, peress li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari l-ewwel prinċipju, li jnaqqax id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja kwalitattivi u inklużivi, u li hija ankrata sew ukoll fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-Istrateġija Diġitali l-ġdida tal-UE u fl-Istrateġiji Industrijali u tal-SMEs il-ġodda tal-UE, li se jirnexxu biss jekk il-ħaddiema jkollhom il-ħiliet rilevanti; |
48. |
Tinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 jirrimarkaw ukoll ir-rwol vitali tal-ħiliet fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika; tilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għall-azzjoni biex tissaħħaħ it-tranżizzjoni ekoloġika fl-edukazzjoni; |
49. |
Tesprimi dispjaċir għall-fatt li r-rati ta’ qgħad fit-tul attwali u ċ-ċifri tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom ta’ sfida f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE u pajjiżi tas-SL; tisħaq fuq l-importanza li jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ; tinnota li dan huwa partikolarment ta’ sfida fil-kuntest tal-motivaturi strutturali tal-bidla bħalma huma l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u l-globalizzazzjoni, li joħolqu kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi fil-qasam tax-xogħol; tissottolinja li l-konsegwenzi mill-pandemija tal-COVID-19, li huwa stmat li jikkawżaw tnaqqis fil-PDG tal-UE b’aktar minn 7 % fl-2020 u li r-rata tal-qgħad tilħaq id-9 %, se jitolbu politiki attivi tas-suq tax-xogħol saħansitra aktar b’saħħithom milli f’ċirkostanzi normali; |
50. |
Tinnota li l-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali u tat motivazzjoni għar-reviżjoni tas-sostenibbiltà u l-effiċjenza tal-mudell tal-edukazzjoni; tinnota li, filwaqt li t-telexogħol u l-apprendiment mill-bogħod saru realtà għal għexieren ta’ miljuni ta’ persuni madwar l-Ewropa, il-limitazzjonijiet tat-tħejjija diġitali tagħna spiss inkixfu, id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali ġiet enfasizzata u tfaċċaw inugwaljanzi ġodda, madankollu, il-pandemija għenitna nerġgħu nikkunsidraw it-tħejjija diġitali tagħna billi indikat l-affarijiet li jridu jissaħħu mill-ġdid fil-qasam diġitali; |
51. |
Tissottolinja li issa, l-UE qiegħdet is-sisien għat-tranżizzjoni għal aġenda ġdida dwar il-ħiliet, u minkejja dan għandha tipprovdi qafas ċar għall-impjiegi biex jixpruna t-tranżizzjoni doppja, jiġi żgurat l-irkupru mill-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli, tiġi żgurata d-deċenza, l-opportunitajiet indaqs u tinbena r-reżiljenza tal-UE; |
52. |
Tinsisti fuq it-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali inkluż permezz ta’ aktar konnettività u żvilupp reġjonali, ta’ politiki ta’ agrikoltura u żvilupp rurali, ta’ politiki soċjali u tal-impjiegi, billi jkun immirat li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent, tiżdied ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, tiġi aċċellerata l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u tiġi żviluppata ekonomija u soċjetà diġitali; |
(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.
(3) ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.
(5) ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.
(7) Testi adottati, P9_TA(2020)0167.
(8) ĠU C 134, 24.4.2020, p. 16.
(9) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
(10) ĠU C 193, 31.5.2016, p. 17.
(11) ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1.
(12) Testi adottati, P8_TA(2018)0485.
(13) Testi adottati, P9_TA(2020)0194.
(14) Testi adottati, P9_TA(2020)0206.
8.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 361/20 |
RIŻOLUZZJONI
dwar “Lejn l-effiċjenza, id-diversifikazzjoni u l-indipendenza tal-enerġija; l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ kapaċità għat-tisħiħ tal-politika Ewropea dwar l-enerġija u l-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà tal-enerġija fis-Sħubija tal-Lvant”
(2021/C 361/03)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
— |
wara li kkunsidrat il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 approvati fil-11 ta’ Mejju 2020; |
— |
wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-18 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd”; |
— |
wara li kkunsidrat id-dokument “20 Riżultat Tanġibbli għall-2020” approvat mis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell f’Novembru 2017; |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima ratifikat mill-Unjoni Ewropea, li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant huma wkoll firmatarji tiegħu; |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija; |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) bejn l-UE u l-Armenja, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija; |
— |
wara li kkunsidrat it-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, li t-tliet pajjiżi assoċjati tagħhom huma partijiet kontraenti u osservaturi tal-Armenja; |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Ażerbajġan, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-enerġija, u n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim imsaħħaħ; |
— |
wara li kkunsidrat il-ħidma tal-Pjattaforma tas-Sħubija tal-Lvant 3 – “Konnettività, effiċjenza enerġetika, l-ambjent u t-tibdil fil-klima”, u b’mod partikolari l-Bord dwar l-Enerġija; |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar “il-futur tal-Istrateġija Trio Plus 2030: nibnu l-futur tas-Sħubija tal-Lvant”; |
A. |
billi s-sigurtà tal-enerġija hija element fundamentali tas-sigurtà nazzjonali kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi sħab tal-Lvant; billi ż-żieda fil-konnettività, il-kapaċitajiet domestiċi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika huma kruċjali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u tiġi limitata d-dipendenza mill-importazzjonijiet minn fornituri dominanti u titrawwem l-istabbiltà soċjali, ekonomika u politika fir-reġjun; |
B. |
billi l-Unjoni Ewropea minn dejjem uriet interess fil-ħolqien ta’ relazzjonijiet bilaterali u multilaterali dejjiema u b’saħħithom mal-pajjiżi sħab tal-Lvant, b’enfasi kbira fuq is-settur tal-enerġija; billi din is-sħubija, ibbażata fuq valuri u regoli komuni, interessi reċiproċi u impenji kif ukoll sjieda u responsabbiltà kondiviżi, għandha l-għan li twassal riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini fir-reġjun, inkluż fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika; |
C. |
billi t-twettiq tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa impenn komuni tal-UE u tal-pajjiżi sħab tal-Lvant; billi t-tibdil fil-klima huwa kwistjoni li ma tistax tiġi injorata; billi hemm ħtieġa qawwija ta’ investimenti “ekoloġiċi” fl-effiċjenza enerġetika u fl-infrastruttura muniċipali, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ambjentali u klimatika fir-reġjun kollu; billi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u t-tisħiħ tal-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-maġġoranza tal-każijiet jikkontribwixxu wkoll għal żieda fis-sigurtà tal-enerġija; |
D. |
billi l-Federazzjoni Russa hija b’mod partikolari l-akbar fornitur tal-enerġija għall-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej u dan l-aspett ta’ spiss jintuża bħala kejl ta’ pressjoni politika u ingranaġġ; billi l-iżviluppi reċenti fir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u r-Russja, speċjalment l-inkarċerazzjoni ta’ Alexei Navalny u t-tkeċċija ta’ diplomatiċi Ewropej mir-Russja, matul il-laqgħa tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Joseph Borrell mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergey Lavrov, juru li r-Russja tista’ tkun sieħeb mhux affidabbli; billi dipendenza sinifikanti mill-gass Russu thedded is-sigurtà tal-enerġija u l-istabbiltà ekonomika tal-Unjoni Ewropea u tas-sħab tagħha; |
E. |
billi s-sigurtà tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa huma partijiet integrali fi tnejn mill-ħames objettivi ta’ politika fit-tul tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020; |
F. |
billi l-pajjiżi sħab tal-Lvant jinsabu fil-proċess li jimmodernizzaw ir-regolamenti u l-infrastrutturi tal-enerġija tagħhom u jimplimentaw politiki dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, iżda t-tkomplija tal-appoġġ tal-UE hija essenzjali biex tipprovdi assistenza teknika u monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha u toħloq il-kundizzjonijiet ta’ qafas ta’ investiment meħtieġa; |
G. |
billi l-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kellu rwol importanti fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika u fl-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-pajjiżi sħab tal-Lvant, inkluż permezz ta’ proġetti dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini, it-tisħin distrettwali, it-trasport urban, it-tidwil tat-toroq, l-enerġija rinnovabbli (solari, idroelettrika, bijomassa) u oħrajn, iffinanzjati fost l-oħrajn mill-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat, is-Sħubija għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Ambjent fl-Ewropa tal-Lvant (E5P) jew fil-qafas tal-Patt tas-Sindki; billi l-lok għal titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-potenzjal għall-isfruttament tal-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi sħab tal-Lvant meta mqabbel mal-Istati Membri tal-UE għadu sinifikanti; |
H. |
billi l-proġetti appoġġjati mill-UE u minn sħab oħra kkontribwew għall-bini ta’ interkonnessjonijiet u l-immodernizzar tal-infrastruttura madwar ir-reġjun biex titjieb is-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiżi involuti, pereżempju l-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-enerġija bejn ir-Rumanija u l-Moldova, l-interkonnessjoni tal-enerġija bejn l-Armenja u l-Georgia, jew il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (inklużi interkonnetturi rilevanti); |
I. |
billi l-faqar enerġetiku għadu sfida importanti għal ħafna unitajiet domestiċi fil-pajjiżi sħab tal-Lvant; |
J. |
billi, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE tipprevedi sħubijiet b’saħħithom fl-ambjent, l-enerġija u l-klima fis-Sħubija tal-Lvant; billi, b’segwitu għal “20 riżultat tanġibbli għall-2020”, għandu jiġi ddeterminat sett ġdid ta’ għanijiet għas-Sħubija tal-Lvant għall-perjodu 2021-2030; |
K. |
billi l-maġġoranza tal-istimi jissuġġerixxu li r-riżervi dinjin tal-fjuwils fossili se jiġu eżawriti sal-2060; billi dan l-aspett għandu jħeġġeġ lill-UE u lis-sħab kollha tagħha jistinkaw favur id-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, inkluża enfasi aktar qawwija fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; |
1.
Ittenni l-appoġġ tagħha għal aktar kooperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u s-sħab tal-Lvant u għall-ħolqien ta’ strateġiji mfassla apposta biex imexxu ’l quddiem forom aktar ambizzjużi ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni fejn ikun mixtieq mill-pajjiżi sħab biex itejbu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija tagħhom, filwaqt li jipproteġu l-ambjent, jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-politika dwar it-tibdil fil-klima, u jsaħħu l-integrazzjoni tal-pajjiżi assoċjati fis-suq Ewropew tal-enerġija fir-rigward tal-Istrateġija Trio Plus 2030; tiddikjara li l-kooperazzjoni tal-Istati Membri mal-ġirien u s-sħab tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-politika dwar l-enerġija hija ta’ importanza vitali sabiex ikun hemm suq Ewropew tal-enerġija miftuħ, sigur u kompetittiv;
2.
Tisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi dwar id-dekarbonizzazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u li jiġu segwiti politiki ambizzjużi dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, b’mod partikolari biex jintlaħqu l-impenji fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi; tistieden lill-Kummissjoni tinkludi b’mod estensiv il-pajjiżi sħab tal-Lvant fil-politiki settorjali tal-UE u b’mod partikolari fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; titlob, f’dan ir-rigward, li qafas regolatorju komprensiv jippermetti u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi u għal mekkaniżmi oħra ta’ inċentiv u li jingħata appoġġ għal implimentazzjoni aktar effettiva tal-politika dwar l-enerġija; tħeġġeġ lis-sħab tal-Lvant jistabbilixxu miri ċari għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika għall-2030 u l-2050;
3.
Ittenni l-ħtieġa ta’ enerġija affidabbli, sigura, indipendenti, ambjentalment sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli għaċ-ċittadini kollha kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-pajjiżi sħab tagħha;
4.
Tirrikonoxxi l-progress u l-isforzi kbar li għamlu l-pajjiżi sħab tal-Lvant fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni mifruxa; temmen, madankollu, li għad hemm diversi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati fir-rigward tal-korruzzjoni u tistieden lill-awtoritajiet rilevanti jżidu l-miżuri biex jeqirdu din il-korruzzjoni, isaħħu l-istat tad-dritt u jippromwovu governanza tajba li tista’ tgħin biex jiġu sostnuti r-riformi settorjali, inkluż fis-settur tal-enerġija, previsti mill-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020;
5.
Ittenni l-importanza li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tal-enerġija; temmen li hija meħtieġa kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-Lvant sabiex jiġu indirizzati s-sigurtà u l-affidabbiltà tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, il-faqar enerġetiku u l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli;
6.
Tosserva li l-intensità tal-enerġija fil-pajjiżi sħab tal-Lvant għadha konsiderevolment ogħla mill-medja tal-UE u tenfasizza l-potenzjal enormi għall-iffrankar tal-enerġija f’dawk il-pajjiżi; tosserva li ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika hija marbuta sew mat-tnaqqis fil-faqar enerġetiku; tiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ politiki nazzjonali dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini u għall-introduzzjoni, għaż-żamma u għall-infurzar ta’ oqfsa regolatorji u istituzzjonali li jiddefinixxu standards minimi għall-effiċjenza enerġetika tal-bini, jipprovdu inċentivi għar-rinnovazzjoni tal-bini u għall-effiċjenza enerġetika fl-industriji u fl-SMEs, jippromwovu l-ottimizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija, inkluż permezz ta’ kriterji minimi ta’ effiċjenza enerġetika għall-akkwist pubbliku fejn rilevanti, u jiggarantixxu informazzjoni xierqa lill-konsumaturi inkluż kejl preċiż tal-konsum tal-enerġija; tisħaq li l-finanzjament tal-UE mmirat lejn ir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini pubbliku f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi sħab tal-Lvant għandu jivvaluta l-possibbiltà li jiġu introdotti standards minimi tal-effiċjenza enerġetika;
7.
Tinnota li l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huwa element kruċjali ta’ sforzi għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, kompetittività u indipendenza enerġetika, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ impjiegi lokali; tilqa’ l-istabbiliment ta’ network reġjonali dwar l-enerġija rinnovabbli, immexxi mil-Litwanja u mill-Georgia, fl-ambitu tal-Bord dwar l-Enerġija tas-Sħubija tal-Lvant; tħeġġeġ l-istabbiliment ta’ networks bilaterali jew multilaterali simili bejn il-pajjiżi sħab tal-Lvant u l-Istati Membri tal-UE, bl-appoġġ tal-UE;
8.
Tisħaq li l-investiment lejn l-iżgurar ta’ settur tal-enerġija indipendenti u sigur fl-UE u fil-pajjiżi sħab tal-Lvant irid ikun ikkorroborat ukoll minn investiment sostnut fis-settur tal-enerġija rinnovabbli;
9.
Tenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi biex titjieb il-konnettività bejn il-pajjiżi sħab tal-Lvant u man-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija u tiġi żviluppata infrastruttura transfruntiera b’saħħitha, li jibdew bl-implimentazzjoni sħiħa tal-objettivi li ġew identifikati qabel fl-“20 riżultat tanġibbli għall-2020”; titlob appoġġ kontinwu biex tinbena kapaċità teknika għal proġetti ta’ konnettività; tħeġġeġ l-użu ta’ rotot diversifikati u t-tkomplija tal-iżvilupp tal-konnessjonijiet mal-kosta tal-Baħar l-Iswed mal-Istati Membri tal-UE;
10.
Tilqa’ l-operazzjonalizzazzjoni tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, li jġib benefiċċji importanti f’termini ta’ diversifikazzjoni u opportunitajiet ekonomiċi; tilqa’ l-bidu tal-operazzjonijiet kummerċjali u t-trasport tal-ewwel gass permezz tal-Pipeline Trans-Adrijatiku (1); tisħaq fuq l-importanza li l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tingħaqad mal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar; tilqa’ l-operazzjonalizzazzjoni tal-pipeline tal-gass Iași-Ungheni bejn ir-Rumanija u r-Repubblika tal-Moldova, li żżid id-diversifikazzjoni tal-provvista u ttejjeb b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija tar-reġjun;
11.
Tilqa’ l-iżvilupp tal-Linja ta’ Trażmissjoni tal-Baħar l-Iswed u titlob aktar enfasi fuq l-iżvilupp u l-finanzjament tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku, kif ukoll il-grilji intelliġenti, sabiex tiġi żgurata l-infrastruttura meħtieġa li tippermetti li jintlaħqu l-miri klimatiċi u tal-enerġija; tenfasizza li s-sigurtà tal-grilji tal-elettriku hija element ewlieni tas-sigurtà tal-enerġija u tħeġġeġ appoġġ akbar mill-UE għall-isforzi tas-sħab tal-Lvant li jixtiequ hekk lejn sinkronizzazzjoni mal-grilja tal-enerġija kontinentali Ewropea (ENTSO-E);
12.
Tirrikonoxxi l-appoġġ finanzjarju u tekniku sostanzjali pprovdut lis-sħab tal-Lvant mill-UE, f’koordinazzjoni u f’kooperazzjoni ma’ atturi internazzjonali oħra, li jippromwovi d-dekarbonizzazzjoni, kif ukoll il-konnettività; tilqa’ b’mod partikolari l-ħidma tal-Inizjattiva EU4Energy, l-Inizjattiva għar-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni fil-Balkani tal-Punent u l-Ukrajna, l-investimenti u s-self ibbażati fuq il-politika fl-ambitu tal-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat, is-sħubija tal-E5P, il-Patt tas-Sindki u l-garanziji baġitarji tal-UE għal self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u Istituzzjonijiet Internazzjonali għall-Finanzjament oħra;
13.
Tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab tal-Lvant jikkollaboraw mal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-importazzjoni tat-teknoloġiji tal-enerġija disponibbli fl-UE u jiskambjaw prattiki tajba fil-politika u fl-amministrazzjoni tal-enerġija; tiddikjara li hemm ħtieġa kbira ta’ trasferimenti tal-għarfien u trasformazzjoni u kollaborazzjoni interistituzzjonali lejn il-kisba ta’ sehem akbar ta’ teknoloġija ekoloġika; temmen li l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka fl-UE u dawk mill-pajjiżi sħab tal-Lvant hija pass meħtieġ biex jinkisbu għanijiet komuni;
14.
Tirrikonoxxi li l-Istati Membri tal-UE u s-sħab tagħhom għandhom ikunu aktar orjentati lejn liberalizzazzjoni akbar tas-suq tal-enerġija għal operaturi differenti, u tiddikjara li dan għandu jkun akkumpanjat mill-ħolqien ta’ suq aktar kollaborattiv li minnu kulħadd jista’ jibbenefika bil-kbir;
15.
Tirrimarka li t-tranżizzjoni enerġetika jeħtieġ li tkun ġusta, inklużiva u kosteffiċjenti u li għandha tiżgura s-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-provvista u enerġija bi prezzijiet raġonevoli; tinnota li l-prezzijiet baxxi attwali tal-fjuwils fossili li jibbenefikaw mir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet, mis-sussidji u li ma jinternalizzawx l-ispejjeż esterni jfissru li se jkunu meħtieġa inċentivi addizzjonali sabiex jiġi xprunat l-investiment fil-proġetti tal-enerġija nadifa u tal-iffrankar tal-enerġija; tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu rriformati l-prezzijiet u t-tassazzjoni tal-enerġija biex tiġi evitata l-penalizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kontra forom oħra ta’ enerġija u jiġi evitat li jingħataw sinjali ħżiena tal-prezzijiet lill-konsumaturi finali tal-enerġija;
16.
Tisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-għoti tas-setgħa lill-konsumatur biex tiġi ġġenerata, ikkunsmata, maħżuna u mibjugħa l-enerġija, filwaqt li jitqies li din tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; tenfasizza l-potenzjal tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli li tista’ żżid l-użu tas-sorsi tal-enerġija lokali, iżżid is-sigurtà lokali tal-provvista tal-enerġija, u trawwem l-iżvilupp u l-koeżjoni tal-komunità; tenfasizza l-importanza li jingħeleb il-monopolju oligarkiku fis-settur tal-enerġija;
17.
Tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab tal-Lvant jindirizzaw b’mod xieraq il-faqar enerġetiku kull fejn jiġi identifikat u jipproteġu lill-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija, b’mod partikolari dawk f’żoni remoti; tisħaq fuq l-importanza li tiġi adottata definizzjoni ċara ta’ “faqar enerġetiku” u “konsumatur tal-enerġija vulnerabbli” għal monitoraġġ u tfassil aħjar tal-politika;
18.
Titlob kooperazzjoni aktar mill-qrib fis-Sħubija tal-Lvant dwar il-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u promozzjoni ta’ standards komuni dwar l-idroġenu; tinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-importazzjonijiet tal-idroġenu ma jdgħajfux id-dekarbonizzazzjoni;
19.
Tistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jirrieżaminaw b’mod kritiku l-kooperazzjoni mar-Russja f’diversi pjattaformi ta’ politika barranija u fuq proġetti bħan-Nord Stream 2; tesprimi tħassib dwar il-bini tal-pipeline Nord Stream 2, li jsaħħaħ id-dipendenza tal-UE mill-provvisti tal-gass Russi, jhedded is-suq intern tal-UE u mhuwiex konformi mal-politika tal-UE dwar l-enerġija jew mal-interessi strateġiċi tagħha; tirrikonoxxi r-riskji politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà fundamentali fit-tul tan-Nord Stream 2 u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha, u, b’mod partikolari, dawk fl-Istati Membri u fl-Ewropa, jagħmlu użu mill-klawżoli legali disponibbli biex iwaqqfu l-proġett; ittenni r-rwol kruċjali tal-Ukrajna fin-network Ewropew tal-provvista tal-enerġija u titlob kooperazzjoni msaħħa mal-Ukrajna bħala pajjiż ta’ tranżitu ewlieni;
20.
Tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE u l-pajjiżi sħab tal-Lvant jeħtiġilhom ikunu magħquda flimkien sabiex ikunu jistgħu jirreżistu l-abbuż minn fornituri tal-enerġija monopolistiċi; tirrikonoxxi li filwaqt li fornituri bħal dawn jistgħu jifilħu finanzjarjament li jissospendu l-provvista tal-enerġija għal pajjiż wieħed, mhuwiex sostenibbli li dan isir fil-blokk kollu; titlob il-waqfien tal-kostruzzjoni tan-Nord Stream 2;
21.
Ittenni l-appoġġ tagħha biex tgħin lis-sħab tal-Lvant fit-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika mill-Federazzjoni Russa billi jiżviluppaw il-produzzjoni domestika tal-enerġija tagħhom kif ukoll l-effiċjenza enerġetika li se jkollha impatt fuq il-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom u konsegwentement fuq id-dipendenza tagħhom minn fornituri esterni;
22.
Tiġbed l-attenzjoni għall-periklu kbir li joħolqu l-kunflitti ffriżati fit-territorju tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għas-sigurtà tal-enerġija, għad-demokrazija u għall-iżvilupp; titlob aktar kooperazzjoni biex jintemmu kunflitti bħal dawn, jiġifieri fil-Krimea, fit-Transnistrija, fl-Abkażja, fl-Ossezja tan-Nofsinhar u fin-Nagorno-Karabakh;
23.
Titlob kooperazzjoni aktar mill-qrib biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-settur tat-trasport u l-mobilità; tfakkar li minbarra t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, għandha tingħata attenzjoni kbira lit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi oħra, li għandhom effetti ta’ ħsara kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa pubblika; tilqa’ l-pubblikazzjoni tal-istudju “Prospects of LNG markets in Eastern Partner countries” (Il-prospetti tas-swieq LNG fil-Pajjiżi Sħab tal-Lvant); tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab tal-Lvant jesploraw il-possibbiltajiet għal użu akbar tal-LNG fit-trasport tal-merkanzija, għad-detriment tad-diżil; tissottolinja li l-użu tal-LNG għandu jkun biss parti minn soluzzjoni tranżitorja lejn il-mobilità ekoloġika sostenibbli u t-trasport li jiddependu minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli; tistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi sħab tal-Lvant isaħħu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida ta’ mobilità, bħal stazzjonijiet għall-iċċarġjar b’vultaġġ għoli għall-vetturi elettriċi;
24.
Tilqa’ l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma dwar il-gass immexxi mill-Polonja u mill-Ukrajna, fl-ambitu tal-Bord dwar l-Enerġija tas-Sħubija tal-Lvant, li għandu jiffoka fuq il-promozzjoni tal-idroġenu u tal-gassijiet ekoloġiċi, il-bini ta’ sħubiji kummerċjali u attraenza għall-investimenti;
25.
Tisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta’ politika dwar l-enerġija bbażata fuq l-evidenza u data komprensiva, kif ukoll l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, u tħeġġeġ aktar appoġġ mill-UE biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tas-sħab tal-Lvant f’dan il-qasam; titlob data dwar l-enerġija aktar trasparenti u faċilment disponibbli mill-pajjiżi sħab Ewropej; tistieden lill-pajjiżi sħab tal-Lvant isaħħu u jipproteġu s-sigurtà ċibernetika u l-infrastruttura kritika tal-enerġija tagħhom;
26.
Tfakkar fl-impenji tal-pajjiżi sħab tal-Lvant rilevanti fl-ambitu tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, tal-Komunità tal-Enerġija u tas-CEPA f’termini ta’ traspożizzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar l-enerġija jew approssimazzjoni magħhom; tqis li l-appoġġ finanzjarju addizzjonali għandu jkun soġġett għall-implimentazzjoni u għall-infurzar b’mod effettiv tal-impenji tal-pajjiżi sħab, għat-twettiq tar-riformi meħtieġa u għat-teħid ta’ impenji aktar ambizzjużi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku, f’konformità mal-prinċipju ta’ “aktar għal aktar”; tirrikonoxxi l-progress li diġà sar minn xi pajjiżi sħab tal-Lvant u titlob azzjonijiet xierqa biex jittejbu l-kooperazzjoni u l-appoġġ sabiex jissaħħaħ l-ixprunar għar-riformi;
27.
Tfakkar il-35 anniversarju mid-diżastru ta’ Chernobyl, tesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tagħha lill-familji tal-vittmi u s-solidarjetà ma’ dawk kollha affettwati, u titlob li jiġi żgurat li l-installazzjonijiet nukleari eżistenti u ġodda fil-pajjiżi sħab tal-Lvant jikkonformaw mal-ogħla standards ambjentali u ta’ sikurezza nukleari, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali; titlob li jiġi żgurat li proġetti tal-enerġija mhux sikuri bħall-impjant nukleari ta’ Astravets ma jkunux jagħmlu parti min-network Ewropew tal-elettriku;
28.
Tfakkar li l-kooperazzjoni u l-kummerċ fl-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-Lvant jimplikaw kooperazzjoni sħiħa u rispett sħiħ għall-istandards ta’ produzzjoni tas-sikurezza internazzjonali u Ewropej u li din il-kooperazzjoni issa hija pperikolata bir-rifjut tal-Belarussja li tikkonforma bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tat-titjib tas-sikurezza tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG) rigward l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Astravets li m’ilux beda jiffunzjona; tħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha ta’ sikurezza rigward il-funzjonament tal-impjant tal-enerġija;
29.
Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President Eżekuttiv inkarigat mill-Patt Ekoloġiku, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Enerġija, lill-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant.
(1) Fil-15 ta’ Novembru 2020, il-Pipeline Trans-Adrijatiku (TAP) beda jopera. L-ewwel gass wasal fil-Greċja u fil-Bulgarija, permezz tal-punt ta’ interkonnessjoni ta’ Nea Mesimvria mad-DESFA, kif ukoll l-Italja, permezz tal-punt ta’ interkonnessjoni ta’ Melendugno mal-iSNAM Rete Gas (SRG). Il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar jikkonsisti fl-espansjoni tal-Pipeline tal-Kawkasu tan-Nofsinhar (SCPX) minn ġewwa l-Ażerbajġan u l-Georgia - 428 km ta’ pipeline ġdid ta’ 48 pulzier minn ġewwa l-Ażerbajġan; 59 km ta’ pipeline ġdid ta’ 48 pulzier u 2 stazzjonijiet tal-kompressuri ġodda fil-Ġeorġja; il-Pipeline Trans-Anatoljan (TANAP) - 1340 km ta’ pipeline ta’ 56 pulzier, 34 km ta’ pipeline ta’ 36 pulzier u 476 km ta’ pipeline ta’ 48 pulzier madwar it-Turkija; u l-Pipeline Trans-Adrijatiku (TAP) – 878 km ta’ pipeline ta’ 48 pulzier madwar il-Greċja, l-Albanija u l-Italja.
8.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 361/26 |
RIŻOLUZZJONI
dwar il-kwalità tal-ħajja, inklużi sistemi tal-kura tas-saħħa sodi u riforma tal-pensjonijiet sostenibbli fl-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant
(2021/C 361/04)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
— |
wara li kkunsidrat l-Att Kostituttiv tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ Mejju 2011, |
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fi Brussell fl-24 ta’ Novembru 2017, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti ta’ summits preċedenti, |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest tat-3 ta’ April 2012 dwar it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-kwistjoni tal-kooperazzjoni bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili, u l-kwistjoni tar-riformi bl-għan li s-soċjetà ċivili tingħata setgħat akbar (1), |
— |
wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta’ Ġunju 2020 (2), |
— |
wara li kkunsidrat id-dokument ta’ ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-9 ta’ Ġunju 2017 bit-titolu “Eastern Partnership - 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results:” (Is-Sħubija tal-Lvant - 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli) (SWD(2017)0300), |
— |
wara li kkunsidrat il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 (JOIN(2020)0007), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha bit-titolu “It-Tisħiħ tar-Reżiljenza – Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd” (SWD(2020)0056), |
— |
wara li kkunsidrat il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020, |
— |
wara li kkunsidrat l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 3 dwar l-iżgurar ta’ ħajjiet b’saħħithom u l-promozzjoni tal-benessri għal kulħadd fl-etajiet kollha u l-SDG 4 dwar l-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwa u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, |
— |
wara li kkunsidrat id-Dokument ta’ Diskussjoni tal-Ekonomija Ewropea tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Towards Better Adequacy & Sustainability: A Review of Pension Systems & Pension Reforms in Eastern Partnership Countries” (Lejn Adegwatezza u Sostenibbiltà Aħjar: Rieżami tas-Sistemi tal-Pensjonijiet u tar-Riformi tal-Pensjonijiet fil-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant), |
— |
wara li kkunsidrat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod speċjali l-prinċipju 15 dwar l-introjtu u l-pensjonijiet tax-xjuħija, |
— |
wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tagħha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Ġunju 2020 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta’ Ġunju 2020 (3), |
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tas-17 ta’ April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (4), |
— |
wara li kkunsidrat l-appell urġenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali f’kull naħa tad-dinja biex issir enfasi fuq l-eliminazzjoni tal-COVID-19 fit-23 ta’ Marzu 2020, |
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ UE-Armenja, il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan u b’mod partikolari l-kapitoli ta’ dawn il-ftehimiet dwar l-iżvilupp kummerċjali u sostenibbli kif ukoll dwar l-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunità indaqs, |
A. |
billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 jenfasizzaw li t-tisħiħ tar-reżiljenza bħala qafas ta’ politika prevalenti se jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin għas-Sħubija tal-Lvant matul is-snin li ġejjin, inkluż fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa (b’mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija attwali tal-COVID-19) u s-sigurtà tal-bniedem; |
B. |
billi l-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 tagħmel enfasi speċjali fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza u tipprevedi ż-żieda fl-azzjoni f’oqsma li huma kritiċi għas-saħħa u l-benesseri tan-nies; |
C. |
billi t-titjib tal-kwalità tal-ħajja huwa objettiv ta’ politika espliċitu u impliċitu stabbilit sew tal-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li d-definizzjoni u l-kejl adegwati tiegħu huma ta’ sfida u ta’ spiss diffiċli; |
D. |
billi l-kwalità tal-ħajja hija kunċett wiesa’ li jkopri aktar minn sempliċement tkabbir ekonomiku u kundizzjonijiet tal-għajxien materjali; billi dan il-kunċett jinkludi firxa ta’ indikaturi li jirriflettu l-multidimensjonalità tiegħu, inklużi s-sodisfazzjon tal-ħajja, l-impjiegi, l-istatus tas-saħħa, ir-relazzjonijiet soċjali, il-ħin liberu, l-edukazzjoni u l-ħiliet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-involviment ċiviku u l-governanza, il-kwalità ambjentali, is-sigurtà tal-bniedem u l-governanza; |
E. |
billi kemm il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant (SL) kif ukoll il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (CEPA) UE-Armenja fihom kapitolu ddedikat għal kwistjonijiet tas-saħħa, li jipprevedi kooperazzjoni li tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma bl-għan li jittejbu l-istandards tas-saħħa pubblika u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll kapitolu ddedikat għall-ambjent, bl-objettiv li jinkiseb grad għoli ta’ konverġenza regolatorja; |
F. |
billi jeżistu disparitajiet sinifikanti fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL kif ukoll bejniethom, kif rifless mill-indikaturi soċjoekonomiċi u l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi l-istennija tal-għomor bħala indikatur ewlieni hija aktar baxxa b’massimu ta’ seba’ snin fil-pajjiżi tas-SL mill-medja tal-UE; |
G. |
billi l-kombinazzjoni ta’ settur informali kbir, rata għolja ta’ qgħad, rati baxxi ta’ tfaddil u dipendenza kbira mir-rimessi fir-reġjun tas-SL jindikaw il-vulnerabbiltà ta’ segmenti kbar tas-soċjetà fil-pajjiżi tas-SL li x’aktarx jesperjenzaw livelli ogħla ta’ faqar u inugwaljanzi minħabba l-kriżi tal-COVID-19; |
H. |
billi x-xokkijiet soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-pandemija jaffettwaw b’mod negattiv l-introjtu tan-nies u l-benesseri fiżiku u mentali tagħhom, u l-integrità soċjali tal-komunitajiet kollha kemm huma; |
I. |
billi sistemi tas-saħħa pubblika affordabbli, effettivi, aċċessibbli, sostenibbli u reżiljenti huma fattur determinanti ewlieni għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u tal-benesseri taċ-ċittadini; |
J. |
billi n-nefqa fuq il-kura tas-saħħa, kemm f’termini assoluti kif ukoll bħala sehem tal-PDG, hija ferm aktar baxxa fil-pajjiżi tas-SL milli fl-UE; |
K. |
billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu u se jkomplu jkunu essenzjali fil-mitigazzjoni tal-effetti tal-pandemija fit-tul u se jirrikjedu appoġġ biex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dawn l-attivitajiet ewlenin ta’ appoġġ biex jiġu mmitigati l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa tal-kriżi tal-COVID-19; |
L. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 poġġiet enfasi kritika fuq il-ħtieġa li tingħata spinta lill-kapaċitajiet ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni fir-reġjun Ewropew usa’ kontra l-emerġenzi u b’mod partikolari theddid transfruntier serju għas-saħħa; |
M. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 evidenzjat l-importanza li tiġi appoġġjata u żgurata t-tranżizzjoni ekoloġika, tal-kura u dik diġitali biex b’hekk ħadd ma jitħalla jibqa’ lura; |
N. |
billi b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, l-UE mmobilizzat pakkett ta’ appoġġ ta’ emerġenza ta’ EUR 80 miljun għal ħtiġijiet immedjati u sa massimu ta’ EUR 1 biljun biex jiġu appoġġjati s-sistemi tas-saħħa u l-irkupru soċjali u ekonomiku fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; |
O. |
billi programmi bħall-Inizjattiva ta’ Solidarjetà għas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jipprovdu assistenza għal żmien qasir u medju biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi tal-COVID-19 u jistgħu jaġixxu bħala pass ’il quddiem lejn aktar kooperazzjoni; |
P. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet l-importanza ta’ azzjoni konġunta tal-UE; billi l-Parlament talab, fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ reazzjoni relatata mas-saħħa biex iħejji aħjar għal u jwieġeb b’mod komuni u kkoordinat għal kwalunkwe tip ta’ kriżi tas-saħħa jew sanitarja; |
Q. |
billi l-UE impenjat ruħha favur approċċ ikkoordinat u magħqud sabiex taġixxi b’mod effettiv u b’solidarjetà meta tindirizza l-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist u d-distribuzzjoni tal-vaċċini, filwaqt li l-Istati Membri jżommu sjieda sħiħa tal-politiki tas-saħħa pubblika tagħhom u tar-responsabbiltà tagħhom għall-organizzazzjoni u t-twassil ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika; |
R. |
billi n-nisa akbar fl-età, huma f’riskju akbar ta’ faqar minħabba, fost fatturi oħra, id-differenza fil-pagi u fil-pensjonijiet, is-segregazzjoni skont il-ġeneru fis-suq tax-xogħol, id-differenza bejn il-ġeneri rigward l-għoti tal-kura, u d-differenzi bejn il-ġeneri fir-rigward tal-ħin tax-xogħol; |
S. |
billi l-Kummissjoni u l-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Ewropa irrikonoxxew fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tal-4 ta’ Novembru 2020 (5) li huma meħtieġa aktar sforzi biex il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jiġu megħjuna jtejbu s-sigurtà tas-saħħa reġjonali u subreġjonali, jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa, jagħtu spinta lir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-pajjiżi tad-WHO u d-Delegazzjonijiet tal-UE kif ukoll is-sħubija bejn iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u d-WHO Ewropa sabiex jiġu żgurati approċċi strateġiċi koerenti madwar ir-reġjun kollu; |
T. |
billi sistemi tal-pensjonijiet prevedibbli, adegwati u sostenibbli jikkostitwixxu element importanti fl-għoti ta’ kwalità tajba tal-ħajja wara t-tluq mill-post tax-xogħol, kif ukoll fl-iżgurar tas-sigurtà tal-introjtu, il-prevenzjoni tal-faqar u t-tnaqqis tal-inugwaljanza fix-xjuħija; |
U. |
billi l-ġestjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet tibqa’ kompetenza ta’ Stat Membru fl-UE; billi l-faċilitazzjoni tat-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha għandhom potenzjal sinifikanti biex itejbu r-reazzjonijiet għall-isfidi demografiċi u biex isaħħu l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet; |
V. |
billi fil-kuntest tal-aċċellerazzjoni tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, settur informali sinifikanti u għadd kbir ta’ ħaddiema staġjonali, kif ukoll il-kriżi ekonomika li qed tiżvolġi, qed isir aktar diffiċli biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar il-pensjonijiet fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; |
W. |
billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fih għadd ta’ dispożizzjonijiet iddedikati għad-drittijiet tal-pensjoni, inkluż id-dritt tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom għal pensjoni proporzjonata mal-kontribuzzjonijiet u l-iżgurar ta’ introjtu adegwat; id-dritt għal opportunitajiet indaqs biex jiġu akkwistati drittijiet tal-pensjoni kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; u d-dritt għal riżorsi li jiżguraw id-dinjità fix-xjuħija; |
X. |
billi l-investiment fl-ekonomija tal-kura huwa ta’ importanza kruċjali biex tiġi żgurata ħajja diċenti għal kulħadd u biex jiġu protetti l-persuni kollha li jgħixu fl-UE u s-Sħubija tal-Lvant; billi l-persuni akbar fl-età ntlaqtu u għadhom qed jintlaqtu b’mod qawwi mill-kumplikazzjonijiet u l-fatalitajiet marbuta ma’ mard differenti, inkluż il-COVID-19; |
Il-kwalità tal-ħajja
1. |
Tilqa’ l-enfasi ġenerali tal-UE fuq ir-reżiljenza fil-fokus attwali tal-istrateġija tagħha tas-Sħubija tal-Lvant u tinnota li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ambjent, il-politiki soċjali dwar it-tibdil fil-klima, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari l-impjieg deċenti, is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni jikkontribwixxi għal benefiċċji tanġibbli fit-tul għall-kwalità tal-ħajja fl-UE u fil-viċinat tal-Lvant tagħha; |
2. |
Tinnota li l-biċċa l-kbira tal-objettivi u l-programmi eżistenti fl-ambitu tas-Sħubija tal-Lvant jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja b’mod indirett, iżda li l-viżibbiltà tal-valur miżjud dirett tagħhom hija fil-biċċa l-kbira limitata ħafna għaċ-ċittadini, u titlob għalhekk koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali kif ukoll il-koerenza tagħhom mat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija f’konformità mal-impenji meħuda fl-ambitu tal-Protokoll ta’ Pariġi favur mitigazzjoni; |
3. |
Tisħaq fuq il-fatt li għajxien deċenti u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali jikkostitwixxu sfida konġunta serja għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi SL u għalhekk għandhom isiru s-suġġetti ewlenin ta’ sforzi konġunti u kooperazzjoni; |
4. |
Tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, kif ukoll tal-pjattaforma multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant, permezz ta’ politiki innovattivi biex jiġi ġġenerat u mkejjel titjib tanġibbli għall-kwalità tal-ħajja, filwaqt li tiżdied ukoll il-viżibbiltà ta’ tali azzjonijiet u eżiti konkreti; |
Sistemi tal-kura tas-saħħa sodi
5. |
Tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19 u jżidu l-kooperazzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL, bl-involviment tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, tas-soċjetà ċivili u tas-servizzi tas-saħħa lokali; |
6. |
Tfakkar fl-importanza kruċjali ta’ kura tas-saħħa aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għal kulħadd; |
7. |
Hija tal-fehma li s-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika għandhom jiffokaw primarjament fuq il-benefiċjarji tagħhom, aktar milli fuq l-ispejjeż, u għandhom jiġu ffinanzjati tajjeb biżżejjed biex iħallsu b’mod korrett u joperaw f’kundizzjonijiet tajbin; |
8. |
Tistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet tas-SL jindirizzaw fil-programmi tagħhom il-ħtiġijiet enfasizzati mill-kriżi attwali, b’mod partikolari biex jiżguraw il-protezzjoni soċjali u jissalvagwardjaw l-impjiegi, l-aċċess għal servizzi reżiljenti tal-kura tas-saħħa pubblika kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni, inklużi t-tagħlim online, is-sigurtà tal-ikel u l-assistenza materjali għall-persuni l-aktar fil-bżonn; |
9. |
Tissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi tal-kura tas-saħħa u għall-infrastruttura medika bħal sptarijiet, faċilitajiet ta’ kura, mediċini, testijiet u vaċċini fi żminijiet ta’ COVID-19 u li jiġu ppreservati u msaħħa s-servizzi tal-kura tas-saħħa pubblika u jiżdied sostanzjalment il-finanzjament tagħhom; tisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi konġunti fi ħdan id-WTO biex tintlaħaq id-dimensjoni globali biex tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19; |
10. |
Tistieden lill-UE u lill-gvernijiet tas-SL jindirizzaw l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura, billi jagħmlu enfasi fuq it-tisħiħ tas-servizzi u l-kapaċitajiet tas-saħħa fil-livell lokali u reġjonali fi ħdan l-ippjanar tal-programmi tas-SL li jmiss lil hinn mill-2020 u fi ħdan l-ipprogrammar tal-appoġġ bilaterali tal-UE; |
11. |
Tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL jirrispettaw id-dritt għas-saħħa billi jżommu aċċess universali u ugwali għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-età, ir-razza, l-etniċità, il-grupp lingwistiku jew soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali, l-espressjoni tal-ġeneru, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali, jew għal kwalunkwe raġuni oħra; |
12. |
Tinsisti li l-aċċess għall-kura tas-saħħa għall-minoranzi għandu jissaħħaħ matul il-pandemija attwali u tisħaq li dawn ma għandhomx ikunu fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-pandemija mingħajr l-ebda indikazzjoni speċifika għall-ħtieġa ta’ tali miżuri speċjali sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni; |
13. |
Tinnota li l-għażliet ta’ terapija u ta’ kura għall-mard kroniku, bħall-kanċer, ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv u għandhom jiġu żgurati minkejja l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-finanzi pubbliċi; |
14. |
Tinnota li l-kwalità tal-ħajja fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mhijiex biss inqas minn dik fil-pajjiżi tal-UE, iżda ħafna nies, speċjalment dawk li jgħixu f’żoni rurali, jiffaċċjaw diffikultajiet biex jilħqu standards soċjali bażiċi minħabba l-infrastruttura u s-sanità ta’ kwalità baxxa, in-nuqqas ta’ servizzi mediċi u edukattivi jew servizzi mediċi u edukattivi ’l bogħod minn fejn jgħixu; |
15. |
Tinkoraġġixxi skambji regolari u strutturati ta’ informazzjoni u ta’ persunal biex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa u biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-infrastruttura u l-persunal kritiċi tas-saħħa, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku dwar l-aħjar prattiki, it-tħejjija u l-ġestjoni istituzzjonali; |
16. |
Tistieden lill-UE tqis programmi ta’ assistenza teknika bilaterali u reġjonali għar-riforma tal-kura tas-saħħa fir-reġjun tas-SL bil-ħsieb li jittejbu l-qafas leġiżlattiv u l-ġestjoni finanzjarja tas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, jinkiseb aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa pubblika u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-kura, kif ukoll biex iwettqu programmi tas-saħħa mmirati jew settorjali li jwasslu benefiċċji tanġibbli fit-tul għaċ-ċittadini u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; |
17. |
Tinnota li r-rata ta’ mortalità materna fil-pajjiżi tas-SL hija ftit ogħla milli fl-UE u jħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi indirizzata permezz tar-riformi meħtieġa fil-kura tas-saħħa; |
18. |
Tinnota bi tħassib l-impatti negattivi potenzjali, inklużi l-ispejjeż sinifikanti tas-soċjetà, ta’ remunerazzjonijiet baxxi u ta’ eżodu ta’ mħuħ fis-settur tal-kura tas-saħħa, li huma aggravati matul żminijiet ta’ kriżi, b’mod partikolari l-pandemija tal-COVID-19; |
19. |
Tilqa’ d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa tal-4 ta’ Novembru 2020 li tesprimi l-ħtieġa li jinġabru flimkien l-isforzi biex tittejjeb is-saħħa tal-bniedem madwar l-Ewropa u li l-pajjiżi jiġu appoġġjati b’mod attiv biex jintlaħaq l-ogħla livell ta’ saħħa u ta’ protezzjoni tas-saħħa; tappoġġja bis-sħiħ aktar skambji ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, konsultazzjonijiet u djalogi strutturati regolari bil-ħsieb li jitqiesu azzjonijiet u inizjattivi konġunti u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ pjanijiet aktar konkreti li jiddeskrivu l-proġetti; |
20. |
Tinnota bi tħassib li skont il-projezzjonijiet, il-vaċċini kontra l-COVID-19 ipprovduti fil-qafas tal-iskema COVAX se jkopru bħala medja madwar 20 % biss tal-popolazzjoni tas-SL; u tħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-SL f’dan ir-rigward; ittenni li huwa ta’ importanza partikolari li l-vaċċini tal-COVID-19 isiru disponibbli abbażi ta’ kriterji ċari u trasparenti fir-reġjun Ewropew kollu, inkluż fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, mingħajr dewmien, sabiex tiżdied il-veloċità tad-distribuzzjoni tal-vaċċini; tilqa’ f’dan il-kuntest l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu komuni tal-UE għall-kondiviżjoni tal-vaċċini; |
21. |
Tenfasizza li ma hemm l-ebda ġestjoni effettiva tal-pandemija tal-COVID-19 mingħajr trażmissjoni rapida u effiċjenti ta’ ammont adegwat ta’ vaċċini lill-pajjiżi tas-SL; jekk dan ma jiġix żgurat, il-virus se jinfirex madwar l-UE peress li grupp kbir ta’ nies qed jaħdem f’ħafna pajjiżi tal-UE; |
22. |
Tfakkar fil-ħtieġa li tiġi kondiviża data nazzjonali komparabbli relatata ma’ emerġenzi tas-saħħa, ma’ tifqigħat ta’ mard infettiv u ma’ pandemiji, kif ukoll ma’ sistema vijabbli ta’ rikonoxximent reċiproku tat-tilqim; |
23. |
Tirrikonoxxi l-ħtieġa li wieħed jibni fuq l-eżempju tal-ewwel Konferenza Ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant dwar it-Tuberkulożi u t-Tuberkulożi Reżistenti għal Ħafna Mediċini fl-2015, li ġabret flimkien Ministri u uffiċjali ta’ livell għoli mill-gvernijiet nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi; |
24. |
Tfakkar fil-potenzjal mhux sfruttat tal-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għall-indirizzar tal-aspetti transfruntiera tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa, il-programmi ta’ skambju u l-għajnuna ta’ emerġenza bil-parteċipazzjoni ta’ persunal mediku mill-pajjiżi tal-UE u tas-SL; |
25. |
Tissottolinja l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tappoġġja gruppi vulnerabbli u ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tobba; tisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet tas-SL wara l-pandemija b’enfasi partikolari fuq gruppi vulnerabbli u fuq l-għadd dejjem akbar ta’ persuni affettwati soċjalment mill-kriżi, u titlob appoġġ imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-SL sabiex ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom għall-mitigazzjoni tal-effetti tal-pandemija u għat-titjib tal-benesseri tas-saħħa u soċjoekonomiku tal-popolazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari l-aktar gruppi vulnerabbli u dawk li huma affettwati b’mod sproporzjonat; |
26. |
Tissottolinja r-rieda tal-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant li jibnu soċjetajiet favur l-età, fejn servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja jiżguraw solidarjetà interġenerazzjonali; |
Riforma tal-pensjonijiet sostenibbli
27. |
Tinnota d-diversità tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-oqfsa leġiżlattivi rilevanti fil-pajjiżi kollha tal-UE u tas-SL; tinnota, madankollu, il-potenzjal mhux sfruttat tal-qafas tas-SL biex jgħin lill-pajjiżi sħab jimxu lejn sistemi ta’ protezzjoni soċjali aktar b’saħħithom inklużi sistemi tal-pensjonijiet aktar protettivi, b’solidarjetà u dinjità fil-qalba tiegħu; |
28. |
Tissottolinja li ċ-ċittadini kollha fl-UE u fil-pajjiżi tas-SL għandhom jiġu ggarantiti pensjoni minima li tirrifletti l-livelli ta’ introjtu nazzjonali; |
29. |
Tirrakkomanda li tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluża l-ġestjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet, b’mod partikolari billi jiġi mħarreġ il-persunal tal-amministrazzjoni tal-pensjonijiet u jiġu appoġġjati programmi ta’ assistenza teknika eżistenti, bħal dawk immexxija mill-Bank Dinji; |
30. |
Tħeġġeġ lill-gvernijiet biex jimxu lejn sostenibbiltà u adegwatezza akbar fis-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom billi jwessgħu l-bażi tal-kontribuzzjoni permezz ta’ żieda fl-impjiegi formalizzati; tħeġġeġ lill-pajjiżi jqisu l-età xierqa tal-irtirar legali tagħhom bil-ħsieb li jippromulgaw riformi fit-tul imfassla għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi individwali tagħhom; |
31. |
Tesprimi dispjaċir għad-differenza li teżisti bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet u tistieden lill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-SL iressqu miżuri konkreti biex jindirizzawha, inkluż billi jiġġieldu kontra d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u jżidu r-rata ta’ impjieg tan-nisa permezz ta’ miżuri li joħolqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiġġieldu kontra x-xogħol prekarju u informali, u jiżguraw introjtu minimu għal kulħadd; |
32. |
Tinnota r-rabta mill-qrib bejn l-età tal-irtirar u s-somma finali tal-pensjoni riċevuta mill-pensjonant; tieħu nota li l-pensjonijiet huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-għoli tal-ħajja; |
33. |
Tfakkar fir-rwol vitali li jiġu akkumpanjati r-riformi strutturali u istituzzjonali, bħal dawk immirati lejn it-titjib tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fl-impjiegi formalizzati, jew lejn il-bini ta’ amministrazzjoni tat-taxxa li tiffunzjona tajjeb u qafas regolatorju adegwat għas-settur finanzjarju; |
34. |
Tirrikonoxxi l-kumplessità tal-kisba ta’ bilanċ bejn it-tul ta’ żmien tax-xogħol u t-tul ta’ żmien tal-pensjoni, fid-dawl tal-żidiet kontinwi previsti fl-istennija tal-għomor, filwaqt li tittejjeb ukoll il-ġustizzja tas-sistemi tal-pensjonijiet amministrati mill-Istat, inkluż billi tissaħħaħ aktar ir-rabta bejn il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet; |
35. |
Titlob aktar assistenza teknika mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-valutazzjoni u l-ittestjar ta’ skemi obbligatorji ta’ pensjoni komplementari (pilastru II) u kompletament volontarji (pilastru III) biex jikkomplementaw il-pensjonijiet tal-Istat fil-pajjiżi tas-SL. |
(1) ĠU C 153, 30.5.2012, p. 16.
(2) Testi adottati, P9_TA(2020)0167.
(3) Testi adottati, P9_TA(2020)0167.
(4) Testi adottati, P9_TA(2020)0054.
(5) https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/international_cooperation/docs/2020_who_euro_cooperation_en.pdf