ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 149

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
27 ta' April 2021


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 149/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti tal-ħinijiet tas-sajf — Skeda għall-perjodi tas-sajf

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 149/02

Rata tal-kambju tal-euro — Is-26 ta' April 2021

2

 

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2021/C 149/03

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

3


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 149/04

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10233 — Clearlake/TA Associates/Charlesbank/Ivanti) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

8

2021/C 149/05

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10170 — Shell/nxk) — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

10

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 149/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

11


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti tal-ħinijiet tas-sajf

Skeda għall-perjodi tas-sajf

(2021/C 149/01)

Mill-2022 sal-2026 inkluża, il-perjodi tas-sajf se jibdew u jintemmu rispettivament fid-dati li ġejjin fis-01.00 UTC – Ħin Universali Koordinat:

fl-2022: il-Ħdud tas-27 ta’ Marzu u tat-30 ta’ Ottubru,

fl-2023: il-Ħdud tas-26 ta’ Marzu u tad-29 ta’ Ottubru,

fl-2024: il-Ħdud tal-31 ta’ Marzu u tas-27 ta’ Ottubru,

fl-2025: il-Ħdud tat-30 ta’ Marzu u tas-26 ta’ Ottubru,

fl-2026: il-Ħdud tad-29 ta’ Marzu u tal-25 ta’ Ottubru.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-26 ta' April 2021

(2021/C 149/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2085

JPY

Yen Ġappuniż

130,54

DKK

Krona Daniża

7,4362

GBP

Lira Sterlina

0,86975

SEK

Krona Żvediża

10,1308

CHF

Frank Żvizzeru

1,1067

ISK

Krona Iżlandiża

151,00

NOK

Krona Norveġiża

10,0358

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,807

HUF

Forint Ungeriż

363,30

PLN

Zloty Pollakk

4,5571

RON

Leu Rumen

4,9233

TRY

Lira Turka

10,0428

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5518

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5030

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,3777

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6727

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6027

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 343,56

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,2441

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8379

HRK

Kuna Kroata

7,5652

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 502,08

MYR

Ringgit Malażjan

4,9524

PHP

Peso Filippin

58,433

RUB

Rouble Russu

90,5838

THB

Baht Tajlandiż

37,995

BRL

Real Brażiljan

6,5895

MXN

Peso Messikan

23,9814

INR

Rupi Indjan

90,3780


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/3


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

(2021/C 149/03)

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (“DSA”).

L-EDPS jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li tippromwovi ambjent online trasparenti u sikur, billi jiġu definiti r-responsabbiltajiet u l-akkontabilità għas-servizzi intermedjarji, b’mod partikolari pjattaformi online bħal midja soċjali u swieq.

L-EDPS jilqa’ l-fatt li l-Proposta tfittex li tikkumplimenta aktar milli tissostitwixxi l-protezzjonijiet eżistenti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Madankollu, il-Proposta b’mod ċar se jkollha impatt fuq l-ipproċessar tad-data personali. L-EDPS jikkunsidra l-ħtieġa li tiġi żgurata l-komplementarjetà fis-superviżjoni u s-sorveljanza ta’ pjattaformi online u ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ hosting.

Ċerti attivitajiet fil-kuntest tal-pjattaformi online jippreżentaw riskji dejjem akbar mhux biss għad-drittijiet tal-individwi, iżda wkoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Filwaqt li l-Proposta tinkludi sett ta’ miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji, huma ġġustifikati salvagwardji addizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-moderazzjoni tal-kontenut, ir-reklamar online u s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni.

Il-moderazzjoni tal-kontenut għandha titwettaq skont l-istat tad-dritt. Minħabba l-monitoraġġ diġà endemiku tal-imġiba tal-individwi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ pjattaformi online, id-DSA għandu jiddefinixxi meta l-isforzi għall-ġlieda kontra l-“kontenut illegali” jilleġittimizzaw l-użu ta’ mezzi awtomatiċi biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw il-kontenut illegali. It-tfassil ta’ profili għal skopijiet ta’ moderazzjoni tal-kontenut għandu jkun ipprojbit sakemm il-fornitur ma jkunx jista’ juri li tali miżuri huma strettament meħtieġa biex jindirizzaw ir-riskji sistemiċi identifikati b’mod espliċitu mid-DSA.

Minħabba l-għadd kbir ta’ riskji assoċjati mar-reklamar immirat online, l-EDPS iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw regoli addizzjonali li jmorru lil hinn mit-trasparenza. Tali miżuri għandhom jinkludu eliminazzjoni gradwali li twassal għal projbizzjoni ta’ reklamar immirat abbażi ta’ traċċar pervażiv, kif ukoll restrizzjonijiet fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li jistgħu jiġu pproċessati għal skopijiet ta’ immirar u l-kategoriji ta’ data li jistgħu jiġu żvelati lil reklamaturi jew lil partijiet terzi biex jippermettu jew jiffaċilitaw ir-reklamar immirat.

F’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni b’mod awtomatiku ma għandhomx ikunu bbażati fuq it-tfassil ta’ profili. Minħabba l-impatt sinifikanti tagħhom, l-EDPS jirrakkomanda wkoll miżuri addizzjonali biex ikomplu jippromwovu t-trasparenza u l-kontroll tal-utent fir-rigward tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni.

B’mod aktar ġenerali, l-EDPS jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ interoperabbiltà minimi għal pjattaformi online kbar ħafna u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ standards tekniċi fil-livell Ewropew, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea.

Wara li kkunsidra l-esperjenza u l-iżviluppi relatati mal-Punti Ċentrali ta’ Koordinament Diġitali, l-EDPS jirrakkomanda bil-qawwa l-provvista ta’ bażi ġuridika espliċita u komprensiva għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti fost l-awtoritajiet superviżorji, fejn kull waħda minnhom taġixxi fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jiżgura l-kooperazzjoni istituzzjonalizzata u strutturata bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

1.

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (1).

2.

Il-Proposta ssegwi l-Komunikazzjoni Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa, li fiha l-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha li tiżviluppa regoli ġodda u riveduti li japprofondixxu s-Suq Intern għas-Servizzi Diġitali, billi jżidu u jarmonizzaw ir-responsabbiltajiet tal-pjattaformi online u tal-fornituri tas-servizzi tal-informazzjoni u jsaħħu s-sorveljanza fuq il-politiki tal-kontenut tal-pjattaformi fl-UE (2).

3.

Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, servizzi diġitali ġodda u innovattivi kkontribwixxew ħafna għat-trasformazzjonijiet soċjetali u ekonomiċi fl-Unjoni u fid-dinja kollha. Fl-istess ħin, l-użu ta’ dawn is-servizzi sar ukoll is-sors ta’ riskji u sfidi ġodda, kemm għas-soċjetà inġenerali kif ukoll għall-individwi li jużaw it-tali servizzi (3).

4.

L-għan tal-Proposta huwa li tiżgura l-aħjar kundizzjonijiet għall-forniment ta’ servizzi diġitali innovattivi fis-suq intern, biex tikkontribwixxi għas-sikurezza online u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u biex tistabbilixxi struttura ta’ governanza robusta u dejjiema għas-superviżjoni effettiva tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji (4). Għal dan il-għan, il-Proposta:

fiha dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji (Kapitolu II);

tistabbilixxi “obbligi ta’ diliġenza dovuta”, adattati għat-tip u għan-natura tas-servizz intermedjarju kkonċernat (Kapitolu III); u

fiha dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament propost (Kapitolu IV).

5.

L-EDPS kien ikkonsultat b’mod informali dwar l-abbozz ta’ Proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali fis-27 ta’ Novembru 2020. L-EDPS jilqa’ l-fatt li ġie kkonsultat f’dan l-istadju bikri tal-proċedura.

6.

Minbarra l-Proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni adottat ukoll Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (5). F’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament 2018/1725, l-EDPS ġie kkonsultat ukoll dwar il-Proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali, li hija s-suġġett ta’ Opinjoni separata.

3.   KONKLUŻJONIJIET

93.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-EDPS jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Fir-rigward tar-relazzjoni mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE:

tiġi allinjata l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(5)i tal-Proposta mal-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 1(5)b) tad-Direttiva 2000/31/KE; u

jiġi kkjarifikat li l-Proposta ma tapplikax għal kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri;

Fir-rigward tal-moderazzjoni tal-kontenut u n-notifika ta’ suspetti dwar reati kriminali:

jiġi kkjarifikat li mhux il-forom kollha tal-moderazzjoni tal-kontenut jeħtieġu attribuzzjoni għal suġġett tad-data speċifiku u li f’konformità mar-rekwiżiti tal-minimizzazzjoni tad-data u l-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, il-moderazzjoni tal-kontenut ma għandha, safejn ikun possibbli, tinvolvi l-ebda pproċessar ta’ data personali;

jiġi żgurat li l-moderazzjoni tal-kontenut isseħħ skont l-istat tad-dritt, billi jiġi definit meta l-isforzi għall-ġlieda kontra l-“kontenut illegali” jilleġittimizzaw l-użu ta’ mezzi awtomatiċi u l-ipproċessar ta’ data personali għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-kontenut illegali;

jiġi speċifikat li t-tfassil ta’ profili għal skopijiet ta’ moderazzjoni tal-kontenut għandu jkun ipprojbit sakemm il-fornitur ma jkunx jista’ juri li tali miżuri huma strettament meħtieġa biex jindirizzaw ir-riskji sistemiċi identifikati b’mod espliċitu mill-Proposta;

jiġi kkjarifikat jekk, u jekk ikkonfermat, sa liema punt, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji huma awtorizzati biex b’mod volontarju jinnotifikaw suspetti ta’ reati kriminali lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji, barra mill-każ previst mill-Artikolu 21 tal-Proposta;

jiġi speċifikat li kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li juża mezzi awtomatizzati ta’ moderazzjoni tal-kontenut għandu jiżgura li tali mezzi ma jipproduċux riżultati diskriminatorji jew mhux ġustifikati;

jiġi estiż ir-rekwiżit tal-Artikolu 12(2) tal-Proposta għall-forom kollha ta’ moderazzjoni tal-kontenut, irrispettivament minn jekk tali moderazzjoni sseħħx skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur jew skont kwalunkwe bażi oħra; u jiġi speċifikat li l-miżuri jridu jkunu “meħtieġa” minbarra li jkunu “proporzjonati” għall-għanijiet segwiti;

jiġu msaħħa r-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 14(6) u 15(2)(c) tal-Proposta, billi jingħataw aktar dettalji fl-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-individwi kkonċernati, b’mod partikolari fil-każ tal-użu ta’ mezzi awtomatizzati għal dik il-moderazzjoni tal-kontenut, mingħajr preġudizzju għad-dmir li tiġi pprovduta informazzjoni u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679;

jiġi modifikat l-Artikolu 15(2) tal-Proposta biex jiġi ddikjarat mingħajr ambigwità li l-informazzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi pprovduta fir-rigward tal-mezzi awtomatizzati użati għad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali, irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni sussegwenti kinitx tinvolvi l-użu ta’ mezzi awtomatizzati jew le;

jkun meħtieġ li l-fornituri kollha tas-servizzi ta’ hosting, mhux biss il-pjattaformi online, jipprovdu mekkaniżmu ta’ lmenti aċċessibbli b’mod faċli kif previst fl-Artikolu 17 tal-Proposta;

tiddaħħal skadenza fl-Artikolu 17 tal-Proposta għad-deċiżjoni tal-pjattaforma dwar l-ilment, kif ukoll l-indikazzjoni li l-mekkaniżmu tal-ilmenti li għandu jiġi stabbilit huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u r-rimedji disponibbli għas-suġġetti tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE;

ikun hemm speċifikazzjoni ulterjuri, bl-elenkar f’Anness, ta’ kwalunkwe reat kriminali ieħor (minbarra l-abbuż sesswali tat-tfal) li jissodisfa l-limitu tal-Artikolu 21 tal-Proposta u li jista’ jwassal għal obbligu ta’ notifika;

tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ miżuri addizzjonali li jiżguraw it-trasparenza u l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, soġġetta, fejn strettament meħtieġ, għal restrizzjonijiet iddefiniti b’mod ristrett (eż., fejn meħtieġ għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni li għadha għaddejja) f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/679; u

jiġi definit b’mod ċar it-terminu “informazzjoni rilevanti”, imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Proposta, bil-provvista ta’ lista eżawrjenti ta’ kategoriji tad-data li għandha tiġi kkomunikata, kif ukoll kwalunkwe kategorija ta’ data li għandha tiġi ppreservata bil-ħsieb li jingħata appoġġ f’investigazzjonijiet ulterjuri mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi rilevanti, jekk meħtieġ.

Fir-rigward tar-reklamar online:

jiġu kkunsidrati regoli addizzjonali li jmorru lil hinn mit-trasparenza, inkluża eliminazzjoni gradwali li twassal għal projbizzjoni ta’ reklamar immirat abbażi ta’ traċċar pervażiv;

jiġu kkunsidrati restrizzjonijiet b’rabta ma’ (a) il-kategoriji ta’ data li jistgħu jiġu pproċessati għal skopijiet ta’ immirar; (b) il-kategoriji ta’ data jew kriterji li abbażi tagħhom jistgħu jiġu mmirati jew servuti r-reklami; u (c) il-kategoriji ta’ data li jistgħu jiġu żvelati lil reklamaturi jew lil partijiet terzi biex jippermettu jew jiffaċilitaw ir-reklamar immirat; u

tiġi kkjarifikata b’mod ulterjuri r-referenza għal persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jintwera r-reklam fl-Artikoli 24 u 30 tal-Proposta;

jiġi miżjud mar-rekwiżiti tal-Artikolu 24 element ġdid li jirrikjedi li l-fornitur tal-pjattaforma jinforma lis-suġġetti tad-data jekk ir-reklam intgħażilx permezz ta’ sistema awtomatizzata (eż., skambju jew pjattaforma ta’ reklami) u, f’dak il-każ, l-identità tal-persuna/persuni fiżika/fiżiċi jew ġuridika/ġuridiċi responsabbli mis-sistema/sistemi;

jiġi speċifikat fl-Artikolu 30(2)(d) l-ispeċifikazzjoni li r-reġistru għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar jekk grupp partikolari wieħed jew aktar ta’ riċevituri tas-servizz kinux esklużi mill-grupp fil-mira tar-reklami;

tiġi sostitwita r-referenza għal “il-parametri ewlenin” b’ “parametri” u tiġi pprovduta kjarifika ulterjuri dwar liema parametri jeħtieġ li jiġu żvelati bħala minimu biex jikkostitwixxu “informazzjoni sinifikanti” fit-tifsira tal-Artikoli 24 u 30 tal-Proposta; u

jiġu kkunsidrati rekwiżiti simili li japplikaw biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-kummerċjanti (l-Artikolu 22 tal-Proposta) fir-rigward tal-utenti ta’ servizzi ta’ reklamar online (l-Artikoli 24 u 30 tal-Proposta).

Fir-rigward tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni:

jiġi kkjarifikat li, f’konformità mr-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni b’mod awtomatiku ma għandhomx ikunu bbażati fuq “tfassil ta’ profili” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/679;

tiġi pprovduta dik l-informazzjoni li tikkonċerna r-rwol u l-funzjonament tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati separatament, b’mod faċilment aċċessibbli, ċar għall-pubbliku u konċiż;

jiġi pprovdut li, f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni b’mod awtomatiku ma għandhomx ikunu bbażati fuq “tfassil ta’ profili” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/679; u

jiġu inklużi r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin fl-Artikolu 29 tal-Proposta:

jiġi indikat f’taqsima prominenti tal-pjattaforma l-fatt li l-pjattaforma tuża sistema ta’ rakkomandazzjoni u kontroll bl-għażliet disponibbli b’mod li jkun faċli għall-utent;

l-utent tal-pjattaforma jiġi infurmat jekk is-sistema ta’ rakkomandazzjoni hijiex sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet awtomatizzata u, f’dak il-każ, l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mid-deċiżjoni.

jiġi permess li s-suġġetti tad-data jaraw, b’mod faċli għall-utent, kwalunkwe profil jew profili relatati użati għall-iffiltrar tal-kontenut tal-pjattaforma għar-riċevitur tas-servizz;

jingħata permess li r-riċevituri tas-servizz jippersonalizzaw is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni bbażati tal-anqas fuq il-kriterji naturali bażiċi (eż., il-ħin, is-suġġetti ta’ interess, ...); u

l-utenti jiġu pprovduti b’għażla faċilment aċċessibbli biex iħassru kwalunkwe profil jew profili użati għall-iffiltrar tal-kontenut li jaraw.

Fir-rigward tal-aċċess mir-riċerkaturi ivverifikati:

jiġi pprovdut li, f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni b’mod awtomatiku ma għandhomx ikunu bbażati fuq “tfassil ta’ profili” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/679;

jiġi fformulat mill-ġdid l-Artikolu 26(1)(c) tal-paragrafu tal-Proposta biex jagħmel referenza għal effett negattiv sistematiku reali jew prevedibbli fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-minuri, id-diskors ċiviku, jew effetti reali jew prevedibbli relatati mal-proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju tal-manipulazzjoni intenzjonali tas-servizz tagħhom, inkluż permezz tal-użu mhux awtentiku jew l-isfruttament awtomatizzat tas-servizz;

jiġi estiż l-Artikolu 31 biex tal-anqas jippermetti l-verifika tal-effettività u l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ mitigazzjoni; u

jiġi kkunsidrat mod għall-iffaċilitar tar-riċerka ta’ interess pubbliku b’mod aktar ġenerali, inkluż barra mill-kuntest tal-monitoraġġ tal-konformità mal-Proposta;

Fir-rigward tal-interoperabbiltà tal-pjattaforma:

tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi ta’ interoperabbiltà għal pjattaformi online kbar ħafna u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ standards tekniċi fil-livell Ewropew, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni, il-kooperazzjoni, is-sanzjonijiet u l-infurzar

tiġi żgurata l-komplementarjetà fis-sorveljanza fis-superviżjoni ta’ pjattaformi online u ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ hosting, b’mod partikolari billi

ikun hemm provvediment għal bażi ġuridika espliċita għall-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti, kull waħda minnhom taġixxi fl-oqsma tal-kompetenza rispettivi tagħhom;

ikun hemm il-ħtieġa għal kooperazzjoni istituzzjonalizzata u strutturata bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data; u

ikun hemm referenza espliċita għall-awtoritajiet kompetenti li kienu involuti fil-kooperazzjoni u jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi li fihom għandha sseħħ il-kooperazzjoni.

issir referenza għall-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, kif ukoll għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fil-premessi tal-Proposta;

jiġi żgurat li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, l-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni għandu jkollhom ukoll is-setgħa u d-dmir li jikkonsultaw mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-konformità tagħhom mal-Proposta;

jiġi kkjarifikat li l-awtoritajiet superviżorji kompetenti skont il-Proposta għandhom ikunu jistgħu jipprovdu, fuq talba mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew fuq l-inizjattiva personali tagħhom, kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ kwalunkwe verifika u investigazzjoni relatata mal-ipproċessar ta’ data personali u jinkludu bażi ġuridika espliċita għal dan il-għan;

tiġi żgurata konsistenza akbar fost il-kriterji inklużi fl-Artikolu 41(5), l-Artikolu 42(2) u l-Artikolu 59 tal-Proposta; u

jiġi permess li l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja u li l-Bord joħroġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet oħra għajr il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni.

Brussell, 10 ta’ Frar 2021.

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI


(1)  COM (2020) 825 finali.

(2)  COM(2020) 67 finali, p. 12.

(3)  COM(2020) 825 finali, p. 1.

(4)  COM(2020) 825 finali, p. 2.

(5)  COM(2020) 842 finali.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/8


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10233 — Clearlake/TA Associates/Charlesbank/Ivanti)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 149/04)

1.   

Fl-14 ta’ April 2021, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Clearlake Capital Group L.P. (“Clearlake”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

TA Associates Management, L.P. (“TA Associates”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

CharlesbankCapital Partners, LLP (“Charlesbank”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Ivanti Software, Inc. (“Ivanti”, l-Istati Uniti tal-Amerka) bħalissa kkontrollata minn Clearlake u TA Associates.

Clearlake, TA Associates u Charlesbank jakkwistaw, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Ivanti. Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Clearlake: ditta ta’ investiment privat b’kumpaniji ta’ portafoll attivi fis-servizzi tas-software u t-teknoloġija, l-enerġija u l-industrija, u l-konsumatur;

TA Associates: ditta ta’ ekwità privata b’kumpaniji ta’ portafoll attivi f’industriji magħżula, inklużi s-servizzi tan-negozju, il-konsumaturi, is-servizzi finanzjarji, il-kura tas-saħħa u t-teknoloġiji;

Charlesbank: ditta ta’ ekwità privata b’kumpaniji ta’ portafoll attivi fis-servizzi tan-negozju, il-konsumaturi, il-kura tas-saħħa, l-industrijali u t-teknoloġija u l-infrastruttura tat-teknoloġija;

Ivanti: Ivanti toffri pjattaforma ta’ software għad-dipartimenti interni tal-IT tal-kumpaniji, li tipprovdi software u soluzzjonijiet għall-ġestjoni tal-utenti u l-mobbiltà industrijali. L-offerta ta’ Ivanti tippermetti li dipartiment intern tal-IT ta’ organizzazzjoni jittraċċa u jirreġistra kwistjonijiet tal-IT, u jsegwi t-tlestija/ir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10233 — Clearlake/TA Associates/Charlesbank/Ivanti

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/10


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10170 — Shell/nxk)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 149/05)

1.   

Fid-19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Shell Overseas Investments B.V. (“SOI”, in-Netherlands), sussidjarja ta’ Royal Dutch Shell plc (“Shell”, ir-Renju Unit),

Next Kraftwerke GmbH (“NXK”, il-Ġermanja).

Shell takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ NXK kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Shell: grupp globali ta’ kumpaniji tal-enerġija u petrokimiċi b’negozji inklużi l-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass, il-produzzjoni, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport bil-baħar ta’ prodotti taż-żejt u kimiċi, u prodotti tal-enerġija rinnovabbli,

NXK: aggregatur tal-elettriċità u negozjant b’sussidjarji f’diversi pajjiżi Ewropej. Hija speċjalizzata fil-bejgħ dirett tal-elettriċità minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10170 — Shell/NXK

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 149/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 149/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Jászsági nyári szarvasgomba”

Nru tal-UE: PGI-HU-02475 – 4 ta’ Lulju 2018

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Jászsági nyári szarvasgomba”

2.   Stat membru jew Pajjiż Terz

L-Ungerija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6: Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Jászsági nyári szarvasgomba” tindika l-varjetà lokali friska tal-ispeċi ta’ faqqiegħ li jikber taħt l-art tat-tartuf tas-sajf (Tuber aestivum Vittad.) li tinġabar fiż-żona ġeografika ddefinita.

Karatteristiċi morfoloġiċi tal-“Jászsági nyári szarvasgomba”:

Il-korp fruttiferu jvarja fid-daqs: id-daqs minimu rakkomandat għall-kummerċjalizzazzjoni huwa dak ta’ ġewża; ma hemmx livell limitu. Il-piż minimu tal-korp fruttiferu rrakkomandat għall-użu huwa ta’ 40 g.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għandu forma sferika bejn wieħed u ieħor regolari, normalment mingħajr l-ebda daħla fil-bażi tat-tuberu.

Il-kulur tal-qoxra ta’ barra jvarja minn kannella fl-iswed għal iswed. Il-parti ta’ barra tagħha hija raffa, miksija bi qxur suwed, li ħafna drabi jkunu kbar (312-il mm), forma ta’ piramida (b’bejn 5 u 7 uċuħ), prominenti, sodi, bi xfar ippuntati, ġeneralment iċċattjati min-naħa ta’ fuq, b’marki djagonali, bi strixxi tul il-ġenb, u mwaħħla sew mal-gleba.

Il-laħam ġol-faqqiegħ għandu konsistenza soda u għandu strixxi li jvarjaw fil-kulur minn abjad sa kannella. Matul il-maturazzjoni, fil-bidu l-lewn tiegħu jkun abjad, imbagħad griż maħmuġ safrani, kannella qastni ċar, u fl-aħħar nett kannella lewn iċ-ċikkulata skur. Il-korp fruttiferu misjur sew ikun pjuttost iktar skur, jagħti mill-kannella safrani għall-aħmar.

Karatteristiċi organolettiċi tal-“Jászsági nyári szarvasgomba”:

Għandu aroma unika u pjaċevoli. Meta jinġabar, l-aroma tiegħu fil-bidu tkun tfakkar fil-qamħirrum imsajjar jew fil-malt tax-xgħir inkaljat u ffermentat, flimkien ma’ riħa pjaċevoli ta’ ħaxix maqtugħ frisk. Matul il-ħsad u l-ħżin, l-aroma tinbidel, iżda żżomm ir-riħa distintiva pjaċevoli ta’ ħaxix maqtugħ frisk.

It-togħma nnifisha hija intensa, u tfakkar aktar fil-ġewż bnin.

Il-“Jászsági nyári szarvasgomba” jikber mill-aħħar ta’ Mejju sal-aħħar ta’ Awwissu, bil-maqlub ta’ tartuf oħra, li jistgħu jinġabru sa tmiem Novembru.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-faqqiegħ irid jitkabbar u jinġabar fiż-żona tal-produzzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Jászsági nyári szarvasgomba” tinkludi ż-żona amministrattiva tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Jászivány, Jászkisér, Jászdózsa, Jászapáti, Jászágó, Jászárokszállás, Jászjákóhalma, Jásztelek u Jászszentandrás, kif ukoll il-muniċipalitajiet ta’ Besenyszög u Újszász, li jinsabu maġenb ir-reġjun ta’ Jászság, minkejja li ma jiffurmawx żona tal-produzzjoni kontigwa, billi dawn jiġbru fihom iż-żona fejn il-“Jászsági nyári szarvasgomba” tikber b’mod naturali, jiġifieri ż-żona li fiha t-tip ta’ ħamrija ideali biex il-faqqiegħ jikber fiha.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn il-“Jászsági nyári szarvasgomba” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott u attributi oħra.

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Jászság jinsab fiż-żona amministrattiva tal-Kontea ta’ Jász-Nagykun-Szolnok fir-rokna tal-Majjistral tal-Pjanura l-Kbira Ungeriża. Jifforma parti mir-reġjun Ċentrali ta’ Tisza, u jinsab bejn ix-xmajjar Zagyva u Tarna, li huma tributarji tat-Tisza. F’termini ġeoloġiċi u botaniċi, huwa subreġjun naturali li jifforma parti mill-pjanura ta’ Tisza. Jieħu ismu mill-poplu Jász (Jassic) li beda jgħix hawn fis-seklu 13.

Il-“Jászsági nyári szarvasgomba” jikber b’mod naturali fis-sistema tal-għeruq prinċipalment tas-siġar tal-ballut, il-ġellewż u l-karpin, iżda jikber ukoll fi pjantaġġuni, magħrufa bħala ġonna tat-“Trifla” (tartuf). Il-ġonna tat-tartuf tal-Jászság tipikament jinsabu fil-foresti tal-ballut.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Jászsági nyári szarvasgomba” huma ffurmati mill-proprjetajiet naturali tal-ħamrija u mill-kompożizzjoni tal-ispeċi tal-pjanta tipika taż-żona. Il-biċċa l-kbira ta’ dan is-sottoreġjun, li jifforma baċir għani tal-ilma tal-wiċċ, għandu livell għoli tal-ilma ta’ taħt l-art, li flimkien mal-ħamrija taċ-chernozem sewda, jipprovdi opportunità unika biex jikber il-“Jászsági nyári szarvasgomba”.

Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija tal-Jászság huma favorevoli ħafna għat-tħawwil u t-tkabbir tat-tartuf tas-sajf. Il-ħamrija mielħa tas-solonetz fil-Lvant tar-reġjun, li testendi sax-xmara Tisza, hija koperta minn mergħat u ħamrija alluvjali b’kompożizzjoni varjata, b’ħamrija newtrali għall-pH jew ħamrija bażika dgħajfa, iebsa, taflija iżda b’ħafna humus, li għandha kopertura tal-ħamrija taċ-chernozem.

Speċifiċità tal-prodott

Il-korp fruttiferu tal-“Jászsági nyári szarvasgomba” għandu forma relattivament regolari u jikber b’mod abbundanti u uniformi. Dan bis-saħħa tal-foresti tal-ballut komuni li jinsabu fir-reġjun ta’ Jászság, il-ħamrija ta’ kwalità eċċellenti taċ-chernozem tipika tal-isteppa ta’ qabel l-afforestazzjoni, il-livell għoli tal-ilma ta’ taħt l-art qrib il-wiċċ, il-klima, u l-koeżistenza ma’ speċijiet oħra ta’ pjanti.

Matul il-maturazzjoni, il-faqqiegħ jarmi aroma unika, dejjem aktar b’saħħitha u qawwija ta’ ħaxix maqtugħ frisk u qamħirrum imsajjar, li tista’ titħallat ma’ rwejjaħ oħra, skont iż-żona tal-produzzjoni: ta’ duħħan tal-veġetazzjoni li tikber taħt is-siġar kbar, ġellewż, tabakk, marżipan, jew ċikkulata skura.

Karatteristika interessanti oħra li tiddistingwi l-faqqiegħ hija li jkun fl-aħjar tiegħu bejn Lulju u nofs Awwissu. Bil maqlub ta’ tartuf tas-sajf Ungeriżi jew barranin oħra, il-“Jászsági nyári szarvasgomba” normalment ikun misjur min-nofs sal-aħħar ta’ Awwissu. Il-ġbir tat-tartuf jaf ikun għaddej bis-sħiħ f’żoni oħra f’dan iż-żmien, iżda dawk it-tartuf se jkollhom kwalità u aroma differenti. Matul dan il-perjodu, il-“Jászsági nyári szarvasgomba” se jkollu riħa pjaċevoli ta’ ħuxlief, u l-korp fruttiferu se jkun ta’ daqs aktar kummerċjabbli.

Rabta bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott

Bis-saħħa tal-ħamrija rikka fil-humus taċ-chernozem u l-komunitajiet tal-pjanti li żviluppaw hawnhekk, jiġi prodott aktar kumarin f’din iż-żona matul il-perjodu kollu tal-veġetazzjoni, li lill-“Jászsági nyári szarvasgomba” jagħtih ir-riħa ta’ ħaxix maqtugħ frisk. L-aroma, li tinbidel kontinwament matul il-maturazzjoni, issir aktar b’saħħitha u qawwija, tifforma prinċipalment minħabba l-kopertura tal-ħamrija rikka fil-humus taċ-chernozem tar-reġjun.

Bis-saħħa tal-afforestazzjoni artifiċjali, qed jiżviluppaw ħabitats li jipproduċu tartuf ta’ kwalità għolja fil-Jászság, fejn jeżistu flimkien ma’ speċijiet orkidej protetti, li għandhom ukoll influwenza ta’ benefiċċju fuq l-aroma distintiva tal-“Jászsági nyári szarvasgomba”.

Biex jiġu ppreservati t-tradizzjonijiet tal-Ungeriżi li jiġbru t-tartuf, fl-2002 infetaħ l-ewwel mużew tat-tartuf tal-pajjiż f’Jászszentandrás, li huwa wkoll it-tieni wieħed fl-Ewropa. Kull sena, il-Magyar Szarvasgombász Szövetség [il-Federazzjoni Ungeriża ta’ dawk li jiġbru t-Tartuf] torganizza avveniment biex tiċċelebra l-bidu tal-istaġun. Jászszentandrás għandu t-titolu onorarju ta’ kapitali tat-tartuf tal-Ungerija. Il-Jászsági Hollós László Trifflász Egyesület [l-Assoċjazzjoni ta’ dawk li jiġbru t-tartuf ta’ Jászság László Hollós] twaqqfet hawnhekk fl-2004, bl-għan li tipproteġi l-ħabitats naturali u tgħin biex il-ġbir tat-tartuf jiġi rregolat bil-liġi. Għal dawn l-aħħar ħames snin, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija (IPA) u l-awtorità lokali, kif ukoll il-Federazzjoni ta’ dawk li jiġbru t-Tartuf Ungeriż u Szent László Szarvasgomba Lovagrend (L-Ordni tal-Kavallieri tat-Tartuf ta’ San László), ingħaqdu flimkien biex jorganizzaw kompetizzjoni tat-tisjir għall-platti bbażati fuq it-tartuf, li tgawdi popolarità dejjem akbar. Waqt il-kompetizzjoni, l-organizzaturi jagħtu lil kull kompetitur tartufa “Jászsági nyári szarvasgomba” waħda.

Il-“Jászsági nyári szarvasgomba” huwa magħruf ukoll komunement b’epitetti oħra, bħal “perla sewda ta’ Jászság”, “id-deheb ta’ Jászság”, jew “tartuf ta’ Jász”, li juri r-reputazzjoni għolja li l-prodott għandu fir-reġjun. Dawn it-titli qed jintużaw ukoll dejjem aktar fil-media.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://gi.kormany.hu/foldrajzi-arujelzok


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.