ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 113

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
31 ta' Marzu 2021


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 113/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għal ċerti kategoriji ta’ każijiet

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 113/02

Rata tal-kambju tal-euro — It-30 ta' Marzu 2021

7

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2021/C 113/03

Rapport Speċjali Nru 4/2021: — Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE

8


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-EFTA

2021/C 113/04

Sentenza tal-Qorti tal-10 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawżi Magħquda E-11/19 u E-12/19 — Adpublisher AG v J and K (Ir-Regolament (UE) 2016/679 - Protezzjoni tad-data - Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja - Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja - Anonimità - Spejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ appell)

9

2021/C 113/05

Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA minn Oslo tingrett, bid-data tat-18 ta’ Novembru 2020 fil-Kawża Q u Oħrajn vs Il-Gvern Norveġiż (Il-Kawża E-16/20)

10

2021/C 113/06

Sentenza tal-Qorti tal-10 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża E-13/19 — Hraðbraut ehf. vs Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura, Verzlunarskóli Íslands ses., Tækniskólinn ehf., and Menntaskóli Borgarfjarðar ehf. (Akkwist pubbliku - Id-Direttiva 2014/24/UE - Kuntratt pubbliku għal servizzi - l-Artikolu 37 ŻEE - Kunċett ta’ servizzi - Edukazzjoni sekondarja għolja)

11

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 113/07

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni — Il-Każ M.10164 – CVC/Stark Group — Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

12

2021/C 113/08

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10173 — Luminus/Essent Belgium) ( 1 )

14


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għal ċerti kategoriji ta’ każijiet

(2021/C 113/01)

1.   

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jipprovdi gwida prattika dwar l-approċċ tal-Kummissjoni għall-użu tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) (1). L-għan huwa li tiġi ffaċilitata u ċċarata l-applikazzjoni tiegħu f’ċerti kategoriji ta’ każijiet xierqa.

2.   

Dan id-dokument jikkumplimenta, għal każijiet bħal dawn, il-gwida pprovduta fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-Referenza ta’ Każijiet (2), li tipprovdi gwida ġenerali dwar is-sistema ġenerali ta’ referenza tal-każijiet stabbilita fl-Artikolu 4(4) u (5), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

3.   

Id-dokument għandu l-għan li jipprovdi biss gwida dwar l-adegwatezza ta’ kategoriji partikolari ta’ każijiet għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: l-Istati Membri u l-Kummissjoni jżommu marġni konsiderevoli ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedu jekk jirreferux il-każijiet jew jaċċettawx ir-referenzi, rispettivament (3). Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi din il-Gwida fi kwalunkwe ħin fl-isfond tal-iżviluppi futuri. Tista’ tiddeċiedi wkoll li tikkonsolida l-kontenut ta’ din il-Gwida fl-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, fl-isfond tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-approċċ rivedut għar-referenzi skont l-Artikolu 22.

4.   

Din il-Gwida tapplika, mutatis mutandis, għar-regoli dwar ir-referenza li jinsabu fil-Ftehim ŻEE (4).

1.   Introduzzjoni

5.

Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jagħti lill-Kummissjoni ġuriżdizzjoni esklussiva biex tirrieżamina l-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-UE, iddefinita bl-applikazzjoni ta’ limiti kombinati bbażati fuq id-dħul. Tali limiti jiddelinjaw it-tranżazzjonijiet li l-impatt tagħhom fuq is-suq jitqies li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ kwalunkwe Stat Membru wieħed u li, bħala tali, fil-prinċipju jiġu indirizzati l-aħjar fil-livell tal-UE (5). Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet fih mekkaniżmu korrettiv għall-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti ġuriżdizzjonali kwantitattivi, li jippermetti, f’ċirkostanzi speċifiċi, referenza ta’ każijiet individwali bejn il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar (6). Din is-sistema ta’ referenzi għandha l-għan li tiżgura li l-aktar awtorità jew awtoritajiet xierqa għat-twettiq ta’ rieżami(jiet) partikolari ta’ investigazzjoni ta’ għaqdiet, anki jekk ma jkunux inizjalment kompetenti.

6.

L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jippermetti lil Stat Membru wieħed jew aktar jitolbu lill-Kummissjoni teżamina, għal dawk l-Istati Membri, xi konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni tal-UE iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati membri u thedded li tolqot b’mod sinfikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamlu t-talba. Huwa ċar mill-kliem, l-istorja leġiżlattiva u l-għan tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kif ukoll mill-prattika tal-infurzar tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 22 huwa applikabbli għall-konċentrazzjonijiet kollha (7), mhux biss dawk li jissodisfaw il-kriterji ġuriżdizzjonali rispettivi tal-Istati Membri li jagħmlu referenza (8).

7.

Il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ippermetta lill-Kummissjoni tirrevedi għadd sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet f’firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, bħall-industrija, il-manifattura, il-farmaċewtika u d-diġitali. Dawn inkludew każijiet eventwalment soġġetti għal investigazzjoni fil-fond u/jew awtorizzati biss wara modifika bir-rimedji offruti mill-partijiet (9).

8.

Bl-implimentazzjoni progressiva tar-reġimi nazzjonali li jikkontrollaw għaqdiet bejn impriżi fi kważi l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilha mir-Regolament dwar l-Għaqdiet (10), żviluppat prattika li tiskoraġġixxi talbiet għal referenza skont l-Artikolu 22 minn Stati Membri li ma kellhomx ġuriżdizzjoni oriġinali fuq it-tranżazzjoni inkwistjoni. Din il-prattika kienet ibbażata b’mod partikolari fuq l-esperjenza li tranżazzjonijiet bħal dawn ġeneralment ma kienx probabbli li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern.

9.

F’dawn l-aħħar snin, madankollu, l-iżviluppi tas-suq irriżultaw f’żieda gradwali ta’ konċentrazzjonijiet li jinvolvu ditti li għandhom jew li jistgħu jiżviluppaw biex ikollhom rwol kompetittiv sinifikanti fis-suq (swieq) inkwistjoni minkejja li ġġeneraw ftit jew l-ebda fatturat fil-mument tal-konċentrazzjoni. Dawn l-iżviluppi jidhru partikolarment sinifikanti fl-ekonomija diġitali, fejn is-servizzi jitnedew b’mod regolari bil-għan li tinbena bażi ta’ utenti sinifikanti u/jew inventarji tad-data ta’ valur kummerċjali, qabel ma jippruvaw jimmonetizzaw in-negozju. Bl-istess mod, f’setturi bħall-farmaċewtiċi u oħrajn fejn l-innovazzjoni hija parametru importanti tal-kompetizzjoni, kien hemm tranżazzjonijiet li jinvolvu kumpaniji innovattivi li jwettqu proġetti ta’ żvilupp u riċerka u b’potenzjal kompetittiv qawwi, anke jekk dawn il-kumpaniji għadhom ma ffinalizzawx, u wisq inqas sfruttaw kummerċjalment, ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom. Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-kumpaniji b’aċċess għal assijiet ta’ valur kompetittiv jew b’impatt fuqhom, bħall-materja prima, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-data jew l-infrastruttura.

10.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni eżaminat l-effettività tal-limiti ġuriżdizzjonali bbażati fuq il-fatturat tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet fl-Evalwazzjoni tagħha tal-aspetti proċedurali u ġuriżdizzjonali tal-kontroll tal-UE dwar l-Għaqdiet (11). Hija kkonkludiet li, waqt li dawn il-limiti, ikkumplimentati mill-mekkaniżmi ta’ referenza stabbiliti fir-Regolament dwar l-Għaqdiet, ġeneralment kienu effettivi biex jaqbdu tranżazzjonijiet b’impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE, għadd ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera li potenzjalment jista’ jkollhom ukoll impatt bħal dan ma ġewx rieżaminati kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Istati Membri. Dan jinkludi b’mod partikolari tranżazzjonijiet fis-setturi diġitali u tal-farmaċewtika.

11.

Il-Kummissjoni tqis li evalwazzjoni mill-ġdid tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet tista’ tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Fl-isfond tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni, f’ċerti ċirkostanzi, li tinkoraġġixxi u taċċetta referenzi f’każijiet fejn l-Istat Membru li jagħmel ir-referenza ma jkollux ġuriżdizzjoni inizjali fuq il-każ (iżda fejn jiġu ssodisfati l-kriterji tal-Artikolu 22). Din il-bidla fl-approċċ se tippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tranżazzjonijiet addizzjonali li jistħoqqilhom rieżami skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet (12) jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, mingħajr ma jiġi impost obbligu ta’ notifika fuq tranżazzjonijiet li ma jiġġustifikawx tali rieżami. Din il-bidla fil-prattika attwali ma teħtieġx modifika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

12.

Din il-Gwida tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-kategoriji ta’ każijiet li jistgħu jikkostitwixxu kandidati xierqa għal referenza f’sitwazzjonijiet fejn it-tranżazzjoni ma tkunx notifikabbli skont il-liġijiet tal-Istat(i) Membru/i li jagħmel/jagħmlu r-referenza, u b’hekk dwar il-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tqis f’sitwazzjonijiet bħal dawn meta tinkoraġġixxi jew taċċetta tali referenza. Hija tipprovdi wkoll gwida dwar ċerti aspetti proċedurali. Għalhekk, il-Gwida għandha l-għan li żżid it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ applikazzjoni usa’ tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.   Prinċipji gwida għar-referenza ta’ każijiet li mhumiex notifikabbli skont il-liġijiet tal-Istat/i Membru/i li jagħmel/lu r-referenza

2.1.   Rekwiżiti legali

13.

L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jgħid li, sabiex issir referenza minn Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed lill-Kummissjoni, iridu jiġu ssodisfati żewġ rekwiżiti legali. Il-konċentrazzjoni trid:

(i)

taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; u

(ii)

thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istati Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

14.

Għall-ewwel kriterju, l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet jispjega li konċentrazzjoni tissodisfa r-rekwiżit jekk jista’ jkollha xi influwenza evidenti fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (13). Il-kunċett ta’ “kummerċ” ikopri l-attività ekonomika transfruntiera kollha u jinkludi każijiet fejn it-tranżazzjoni taffettwa l-istruttura kompetittiva tas-suq. Il-Kummissjoni se tivvaluta b’mod partikolari jekk it-tranżazzjoni jistax ikollha influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fatturi speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti jistgħu jinkludu l-post ta’ klijenti (potenzjali), id-disponibbiltà u l-offerta tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, il-ġbir ta’ data f’diversi Stati Membri, jew l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti R&Ż li r-riżultati tagħhom, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jekk jirnexxu, jistgħu jiġu kummerċjalizzati f’aktar minn Stat Membru wieħed.

15.

Għat-tieni kriterju, l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet jgħid li l-Istat Membru li jagħmel ir-referenza huwa meħtieġ, essenzjalment, li juri li, abbażi ta’ analiżi preliminari, hemm riskju reali li t-tranżazzjoni jista’ jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq il-kompetizzjoni, u għalhekk jistħoqqilha skrutinju mill-qrib. Tali analiżi preliminari tista’ tkun ibbażata fuq evidenza prima facie ta’ impatt negattiv sinifikanti possibbli fuq il-kompetizzjoni, iżda tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ investigazzjoni sħiħa (14). Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għaqdiet Orizzontali (15) u Mhux Orizzontali (16) fihom gwida dwar kif il-Kummissjoni tivvaluta l-konċentrazzjonijiet meta l-impriżi kkonċernati jkunu kompetituri attwali jew potenzjali fl-istess suq rilevanti u meta l-impriżi kkonċernati jkunu attivi fi swieq rilevanti differenti, rispettivament. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-każijiet koperti minn din il-Gwida, il-kunsiderazzjonijiet rilevanti biex jiġi deċiż jekk it-tranżazzjoni theddidx li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni jistgħu jinkludu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati; l-eliminazzjoni ta’ forza kompetittiva importanti, inkluża l-eliminazzjoni ta’ parteċipant riċenti jew futur jew l-għaqda bejn żewġ innovaturi importanti; it-tnaqqis tal-kapaċità u/jew l-inċentiv tal-kompetituri li jikkompetu, inkluż billi jagħmlu d-dħul jew l-espansjoni tagħhom aktar diffiċli jew billi jfixklu l-aċċess tagħhom għal provvisti jew swieq; jew l-abbiltà u l-inċentiv li tiġi sfruttata, permezz ta’ effett ta’ lieva, pożizzjoni b’saħħitha fis-suq minn suq għal ieħor permezz ta’ rbit jew raggruppament jew prattiki ta’ esklużjoni oħra.

16.

Meta teżamina ż-żewġ kriterji, il-Kummissjoni se tqis b’mod partikolari n-natura prospettiva tal-valutazzjoni tal-kontroll tal-għaqdiet.

17.

L-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kriterji tiżgura li t-tranżazzjoni jkollha rabta suffiċjenti mal-UE u l-Istat (i) Membru/i li jagħmel ir-referenza.

2.2.   Jistgħu jitqiesu fatturi oħrajn

18.

Kif indikat fl-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, meta jikkunsidraw jekk jeżerċitawx jew le d-diskrezzjoni tagħhom li jagħmlu jew jilqgħu talba għal referenza, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom fuq kollox iżommu f’moħħhom il-ħtieġa li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni fis-swieq kollha affettwati mit-tranżazzjoni (17).

19.

Minbarra l-prinċipji stabbiliti fl-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet (18), il-kategoriji ta’ każijiet li normalment ikunu adatti għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fejn l-għaqda ma tkunx notifikabbli fl-Istat(i) Membru/i li jagħmel ir-referenza, jikkonsistu fi tranżazzjonijiet fejn il-fatturat ta’ mill-inqas waħda mill-impriżi kkonċernati ma jirriflettix il-potenzjal kompetittiv attwali jew futur tagħha. Dan jinkludi, pereżempju, każijiet fejn l-impriża: (1) tkun negozju ġdid jew parteċipant reċenti b’potenzjal kompetittiv sinifikanti li għad irid jiżviluppa jew jimplimenta mudell ta’ negozju li jiġġenera dħul sinifikanti (jew għadu fil-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ta’ tali mudell ta’ negozju); (2) tkun innovatur importanti jew qed iwettaq riċerka potenzjalment importanti; (3) tkun forza kompetittiva importanti attwali jew potenzjali (19); (4) ikollha aċċess għal assijiet kompetittivament sinifikanti (bħal pereżempju materja prima, infrastruttura, data jew drittijiet ta’ proprjetà intellettwali); u/jew (5) tkun tipprovdi prodotti jew servizzi li huma inputs/komponenti ewlenin għal industriji oħra. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll jekk il-valur tal-korrispettiv riċevut mill-bejjiegħ huwiex partikolarment għoli meta mqabbel mal-fatturat attwali tal-mira.

20.

Il-lista ta’ hawn fuq hija prpovduta għal skopijiet purament illustrattivi. Mhijiex limitata għal xi settur jew setturi ekonomiċi speċifiċi u bl-ebda mod ma tista’ titqies komprensiva.

21.

Filwaqt li r-referenza hija soġġetta għall-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 22, il-fatt li tranżazzjoni tkun diġà ngħalqet ma jipprekludix lil Stat Membru milli jitlob referenza (20). Madankollu, iż-żmien li għadda mill-għeluq huwa fattur li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra meta teżerċita d-diskrezzjoni tagħha li taċċetta jew tirrifjuta talba għal riferiment. Għalkemm il-valutazzjonijiet jitwettqu fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kummissjoni ġeneralment ma tikkunsidrax referenza xierqa fejn ikunu għaddew aktar minn sitt xhur mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. Jekk l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni ma kinitx fid-dominju pubbliku, dan il-perjodu ta’ sitt xhur jibda mill-mument meta l-fatti materjali dwar il-konċentrazzjoni jkunu saru pubbliċi fl-UE. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, madankollu, referenza aktar tard tista’ tkun xierqa wkoll, ibbażata fuq, pereżempju, l-iskala tat-tħassib potenzjali dwar il-kompetizzjoni u tal-effett detrimentali potenzjali fuq il-konsumaturi.

22.

Fl-aħħar nett, ċirkostanza fejn it-tranżazzjoni tkun diġà ġiet innotifikata fi Stat Membru wieħed jew aktar li ma talbux referenza jew ma ngħaqdux ma’ talba ta’ referenza bħal din, tista’ tikkostitwixxi fattur kontra l-aċċettazzjoni tar-referenza. Madankollu, il-Kummissjoni se tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, kif imsemmi fil-paragrafu hawn fuq, il-firxa tad-dannu potenzjali, kif ukoll l-ambitu ġeografiku tas-swieq rilevanti.

3.   Aspetti proċedurali

23.

Il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex tidentifika konċentrazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu kandidati potenzjali għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet iżda li ma jissodisfawx il-kriterji ġuriżdizzjonali rilevanti skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi. Hija tista’ tiskambja informazzjoni għal dak il-għan mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (21). F’dawn l-iskambji, l-informazzjoni kunfidenzjali se tkun protetta skont il-liġijiet applikabbli (22).

24.

Il-partijiet li jingħaqdu jistgħu b’mod volontarju jippreżentaw informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet intenzjonati tagħhom. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’, f’każijiet bħal dawn, tagħtihom indikazzjoni bikrija li ma tqisx li l-konċentrazzjoni tagħhom tkun tikkostitwixxi kandidat tajjeb għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, jekk tkun ġiet ippreżentata biżżejjed informazzjoni biex issir din il-valutazzjoni preliminari.

25.

Partijiet terzi jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jinfurmawhom b’konċentrazzjoni li, fl-opinjoni tagħhom, tista’ tkun kandidat għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jivvalutaw jekk it-tranżazzjoni tistax tkun kandidat għal referenza jew le, tali kuntatt għandu jinkludi biżżejjed informazzjoni biex issir valutazzjoni preliminari dwar jekk il-kriterji għal referenza humiex issodisfati, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli għall-parti terza. L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ma jimponi ebda obbligu fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fuq il-Kummissjoni biex jieħdu xi azzjoni wara kuntatt minn parti terza.

26.

Jekk il-Kummissjoni ssir konxja ta’ konċentrazzjoni li hija tqis li tissodisfa l-kriterji rilevanti għal referenza, hija tista’ tinforma lill-Istat(i) Membru/i potenzjalment ikkonċernat(i) u tistieden lil dak l-Istat Membru jew lil dawk l-Istati Membri biex jagħmlu talba għal referenza (23). Huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jiddeċiedu jekk jixtiqux jagħmlu t-talba.

27.

Jekk tkun qed tiġi kkunsidrata talba għal referenza, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet għat-tranżazzjoni malajr kemm jista’ jkun (24). Minkejja li jkunu konxji ta’ tali kunsiderazzjoni, l-impriżi kkonċernati ma humiex obbligati jieħdu jew iżommu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni (25), iżda huma jistgħu jiddeċiedu li jieħdu miżuri li jqisu xierqa, bħal dewmien fl-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni sakemm jiġi deċiż jekk tkunx se ssir talba għal referenza.

28.

Jekk ma tkun meħtieġa l-ebda notifika, it-talba għal referenza trid tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru kkonċernat (26). Il-kunċett ta’ “tiġi mgħarrfa” għandu jiġi interpretat bħala li jimplika li jkun hemm għad-dispożizzjoni informazzjoni suffiċjenti biex issir valutazzjoni preliminari tal-eżistenza tal-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tar-referenza (27).

29.

Ladarba tkun saret talba għal referenza, il-Kummissjoni se tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-impriżi kkonċernati mingħajr dewmien. Stati Membri oħra jistgħu jingħaqdu mat-talba inizjali fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jiġu infurmati mill-Kummissjoni dwar it-talba inizjali (28). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun dwar jekk għandhomx l-intenzjoni li jingħaqdu mat-talba ta’ referenza jew le (29).

30.

Mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol minn tmiem il-perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol li fihom l-Istati Membri jistgħu jingħaqdu mat-talba ta’ referenza, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u thedded li tolqot b’mod sinjifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija se titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skont it-talba (30).

31.

L-obbligu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet japplika sal-punt li l-konċentrazzjoni ma tkunx ġiet implimentata fid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi kkonċernati li tkun saret talba għal referenza (31). L-obbligu ta’ sospensjoni jieqaf jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi sussegwentement li ma teżaminax il-konċentrazzjoni.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Commission Notice on Case Referral in respect of concentrations (ĠU C 56, 5.3.2005, p. 2). Għalhekk, din il-Gwida għandha tinqara flimkien mal-Aviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet. Gwida addizzjonali tista’ tinsab fl-Awtoritajiet Ewropej tal-Kompetizzjoni (“ECA”, European Competition Authorities) Principles on the application, by National Competition Authorities within the ECA, of Articles 4(5) and 22 of the EC Merger Regulation (2005).

(3)  Ara l-punt 7 tal-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet.

(4)  Skont l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll 24 tal-Ftehim ŻEE, pajjiż wieħed jew aktar tal-EFTA jistgħu jingħaqdu ma’ talba għal referenza magħmula minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jekk il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn pajjiż Membru wieħed jew aktar u pajjiż tal-EFTA wieħed jew aktar u thedded li taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-pajjiż jew pajjiżi tal-EFTA li jingħaqdu mat-talba.

(5)  Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-UE, jiġifieri dawk li jaqbżu dawn il-limiti tal-fatturat, jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-Kummissjoni. Konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn il-limiti jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, skont ir-regoli ġuriżdizzjonali tas-sistemi nazzjonali rispettivi tagħhom.

(6)  Ara l-Artikolu 4(4) u (5), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(7)  Kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(8)  L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet huwa applikabbli wkoll meta l-Istat Membru li jagħmel ir-referenza ma jkunx stabbilixxa reġim nazzjonali li jikkontrolla għaqdiet bejn impriżi.

(9)  Skont, rispettivament, l-Artikolu 6(1)(c) u l-Artikoli 6(1)(b) flimkien ma’ 6(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(10)  Ara l-Artikolu 22(3)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ara wkoll il-punt 7 tal-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet.

(11)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2021.

(12)  Kif spjegat fl-Avviż dwar ir-Referenza ta’ Każijiet (ara n-nota 45 f’qiegħ il-paġna), il-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni fuq talba ta’ u f’isem l-Istati Membri li jagħmlu t-talba. Għalhekk, l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-impatt tal-konċentrazzjoni fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri. Il-Kummissjoni mhijiex se teżamina l-effetti tal-konċentrazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri li ma jkunux issieħbu fit-talba sakemm dan l-eżami ma jkunx meħtieġ għall-valutazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri rikjedenti (pereżempju, fejn is-suq ġeografiku jestendi lil hinn mit-territorju/i tal-Istat(i) Membru/i rikjedenti).

(13)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 43.

(14)  Ara l-punt 44.

(15)  Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi, (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5) (“Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali”).

(16)  Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU C 265, 18.10.2008, p. 6).

(17)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 8.

(18)  Ara il-punt 45.

(19)  Fis-sens tal-paragrafi 37 u 38 tal-Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali.

(20)  Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jirrikonoxxi din il-possibbiltà fl-Artikolu 22(4).

(21)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punti 53 et seq. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafi 3, 20 u 23 u 26–9.

(22)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punti 57 u 58. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 34.

(23)  L-Artikolu 22(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 22.

(24)  Skont il-Prinċipji tal-QEA, jekk tkun qed tiġi kkunsidrata talba għal referenza, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jinformaw lill-partijiet involuti fit-tranżazzjoni malajr kemm jista’ jkun (ara l-paragrafu 25).

(25)  L- obbligu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet japplika biss mid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi kkonċernati li tkun saret talba, sa fejn il-konċentrazzjoni ma tkunx ġiet implimentata f’dik id-data. Ara l-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-ewwel subparagrafu.

(26)  L-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, it-tieni subparagrafu. Ara wkoll l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 50.

(27)  Ara l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, in-nota f’qiegħ il-paġna 43. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 31.

(28)  L-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ara wkoll l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 50 u l-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 24.

(29)  Il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 24.

(30)  L-Artikolu 22(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-ewwel subparagrafu.

(31)  L-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-ewwel subparagrafu.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/7


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-30 ta' Marzu 2021

(2021/C 113/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1741

JPY

Yen Ġappuniż

129,48

DKK

Krona Daniża

7,4369

GBP

Lira Sterlina

0,85378

SEK

Krona Żvediża

10,2473

CHF

Frank Żvizzeru

1,1057

ISK

Krona Iżlandiża

148,50

NOK

Krona Norveġiża

10,0613

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,122

HUF

Forint Ungeriż

363,30

PLN

Zloty Pollakk

4,6582

RON

Leu Rumen

4,9210

TRY

Lira Turka

9,7800

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5419

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4814

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1283

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6794

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5815

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 331,35

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

17,5396

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7154

HRK

Kuna Kroata

7,5698

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 063,20

MYR

Ringgit Malażjan

4,8737

PHP

Peso Filippin

57,015

RUB

Rouble Russu

89,1591

THB

Baht Tajlandiż

36,714

BRL

Real Brażiljan

6,7685

MXN

Peso Messikan

24,2262

INR

Rupi Indjan

86,2540


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Qorti tal-Awdituri

31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/8


Rapport Speċjali Nru 4/2021:

Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE

(2021/C 113/03)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan tinfurmak li r-Rapport Speċjali Nru 4/2021 “Kontrolli doganali: armonizzazzjoni insuffiċjenti tfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE” għadu kif ġie ppubblikat.

Ir-rapport jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel mis-sit web tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: http://eca.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-EFTA

31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/9


SENTENZA TAL-QORTI

tal-10 ta’ Diċembru 2020

fil-Kawżi Magħquda E-11/19 u E-12/19

Adpublisher AG v J and K

(Ir-Regolament (UE) 2016/679 - Protezzjoni tad-data - Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja - Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja - Anonimità - Spejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ appell)

(2021/C 113/04)

Fil-Kawżi Magħquda E-11/19 u E-12/19, Adpuber AG v J u K - TITLOB lill-Qorti skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja mill-Bord tal-Appell tal-Liechtenstein għal Kwistjonijiet Amministrattivi (Beschwerdekommission für Verwaltungsangelegenheiten) dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), il-Qorti, komposta minn Páll Hreinsson, President (Imħallef-Relatur), Per Christiansen, u Bernd Hammermann, Imħallfin, tat sentenza fl-10 ta’ Diċembru 2020, li l-parti operattiva tagħha hija kif ġej:

1.

L-iżvelar tad-data personali tal-kwerelant matul proċedura bbażata fuq ilment ippreżentat skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data, jew proċedimenti bbażati fuq l-Artikolu 78(1) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex prekluż minn dan ir-regolament jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt taż-ŻEE. Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ żvelar tad-data personali ta’ kwerelant trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji għall-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li ma jingħatax nuqqas ta’ żvelar jekk dan ifixkel it-twettiq tal-obbligi previsti fir-Regolament (UE) 2016/679, jew l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u proċess ġust kif stabbilit fl-Artikolu 58(4) u skont id-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

2.

Isegwi mill-Artikoli 77(1) u 57(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 li meta suġġett tad-data jsir parti għal proċedimenti skont l-Artikolu 78(1) bħala riżultat ta’ kontrollur tad-data li jappella kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja, u fejn il-liġi nazzjonali timponi dan l-istatus fuq suġġett tad-data awtomatikament, is-suġġett tad-data ma jistax ikun responsabbli għal xi spiża mġarrba b’rabta ma’ dawn il-proċedimenti.


31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/10


Talba għal Opinjoni Konsultattiva mill-Qorti tal-EFTA minn Oslo tingrett, bid-data tat-18 ta’ Novembru 2020 fil-Kawża Q u Oħrajn vs Il-Gvern Norveġiż

(Il-Kawża E-16/20)

(2021/C 113/05)

B’talba bid-data tad-18 ta’ Novembru 2020, Oslo tingrett (il-Qorti Distrettwali ta’ Oslo) għamlet talba lill-Qorti tal-EFTA, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti fit-18 ta’ Novembru 2020, għal Opinjoni Konsultattiva fil-Kawża ta’ Q u Oħrajn vs Il-Gvern Norveġiż, dwar il-mistoqsijiet li ġejja:

1.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE sostniet li l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38/KE jagħtu dritt ta’ residenza fi Stat ospitanti lil wild minuri li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-UE u li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b), u li “l-istess dispożizzjonijiet” jippermettu li ġenitur li jkun il-kustodja primarja ta’ dan il-wild minuri jirrisjedi mal-wild minuri fl-Istat Membru ospitanti, ara, pereżempju, il-Kawża C-86/12 Alokpa paragrafu 29. Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE sostniet ukoll li tali ġenitur ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva kif previst fl-Artikolu 3(1), ara l-paragrafi 24-26 ta’ Alokpa.

F’sitwazzjoni kif deskritta iktar ’il fuq, id-dritt ta’ residenza tal-ġenitur jista’ jkun ibbażat fuq id-Direttiva biss jew fid-dawl tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, jew dritt bħal dan jippreżupponi li d-Direttiva għandha tiġi applikata flimkien mal-Artikolu 21 TFUE, jew possibbilment li d-Direttiva għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE?

2.

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38/KE jagħti dritt għal residenza kontinwa lil wild minuri ta’ ċittadin taż-ŻEE li jkun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv approvat u l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri (kustodja) tal-wild minuri jekk iċ-ċittadin taż-ŻEE jitlaq mill-pajjiż. Wild minuri li jkun id-dixxendent tal-konjuġi taċ-ċittadin taż-ŻEE biss, li jkun ingħata dritt ta’ residenza billi juża liċ-ċittadin taż-ŻEE bħala persuna ta’ riferiment, jista’ jikseb tali dritt bis-saħħa tad-Direttiva biss jew fid-dawl tal-Ftehim dwar iz-ŻEE? Dan japplika wkoll jekk iċ-ċittadin taż-ŻEE jkun applika għal divorzju mill-ġenitur ta’ dan il-wild minuri qabel ma jkun telaq mill-pajjiż?

3.

Jekk il-mistoqsija 2 tingħata tweġiba fl-affermattiv, dan japplika wkoll jekk iż-żwieġ ta’ omm jew ta’ missier il-wild minuri kien abbuż ta’ drittijiet skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE, iżda kien meqjus bħala ġenwin miċ-ċittadin taż-ŻEE u mill-wild minuri?


31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/11


SENTENZA TAL-QORTI

tal-10 ta’ Diċembru 2020

fil-Kawża E-13/19

Hraðbraut ehf. vs Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura, Verzlunarskóli Íslands ses., Tækniskólinn ehf., and Menntaskóli Borgarfjarðar ehf.

(Akkwist pubbliku - Id-Direttiva 2014/24/UE - Kuntratt pubbliku għal servizzi - l-Artikolu 37 ŻEE - Kunċett ta’ “servizzi” - Edukazzjoni sekondarja għolja)

(2021/C 113/06)

Fil-Kawża E-13/19, Hraðbraut ehf. vs Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura, Verzlunarskóli Íslands ses., Tækniskólinn ehf., u Menntaskóli Borgarfjarðar ehf. - TALBA lill-Qorti skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja mill-Kumitat għall-Ilmenti dwar l-Akkwist Pubbliku (kærunefnd útboðsmála) dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, u b’mod partikolari l-punt (9) tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 74 tagħha, il-Qorti, komposta minn Páll Hreinsson, il-President, Per Christiansen (l-Imħallef Relatur), u Bernd Hammermann, Imħallfin, taw is-sentenza fl-10 ta’ Diċembru 2020, li l-parti operattiva hija din li ġejja:

Kuntratti b’karatteristiċi bħal dawk deskritti fit-talba, li ma għandhomx bħala għan il-provvista ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva 2014/24/UE, ma jikkostitwixxux kuntratti pubbliċi għal servizzi fis-sens tal-punt (9) tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/12


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

Il-Każ M.10164 – CVC/Stark Group

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 113/07)

1.   

Fit-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

CVC Capital Partners SICAV-FIS S.A. (“CVC”’, il-Lussemburgu)

STARK Group A/S (“Stark”, id-Danimarka)

CVC takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Stark.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

CVC: CVC u s-sussidjarji tagħha jiġġestixxu fondi u pjattaformi ta’ investiment. B’mod partikolari, CVC hija s-sid ta’ Ahlsell AB, li hija attiva fil-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ installazzjoni għat-tisħin, il-ventilazzjoni u l-arja kundizzjonata, l-elettriku, l-għodod u l-provvisti, kif ukoll materjali tal-bini.

Stark: bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni ta’ materjali għall-bini fid-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, in-Norveġja u l-Isvezja.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont in-Notifika tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10164 – CVC/Stark Group

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/14


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10173 — Luminus/Essent Belgium)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 113/08)

1.   

Fit-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Luminus S.A. (“Luminus”, il-Belġju), ikkontrollata minn EDF S.A. (“EDF”, Franza),

Essent Belgium NV (“Essent Belgium”, il-Belġju), sussidjarja ta’ E.ON S.E. (“E.ON”, il-Ġermanja).

Luminus takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll esklużiv ta’ Essent Belgium kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Luminus: il-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriċità kif ukoll il-provvista tal-gass fil-Belġju,

Essent Belgium: il-provvista bl-imnut tal-elettriità u l-gass lil klijenti industrijali u kummerċjali żgħar u klijenti residenzjali fil-Belġju.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10173 — Luminus/Essent Belgium

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).