ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 059I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
19 ta' Frar 2021


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 59 I/01

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2021 li tinnotifika lir-Repubblika tal-Kamerun dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (notifikata bid-dokument C(2021) 981)

1


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

19.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 59/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Frar 2021

li tinnotifika lir-Repubblika tal-Kamerun dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(notifikata bid-dokument C(2021) 981)

(2021/C 59 I/01)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1) (ir-Regolament IUU), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament IUU jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura biex jiġu identifikati pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-proċeduri politiċi fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kwalunkwe miżura ta’ emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(4)

Qabel tidentifika l-pajjiżi terzi bħala li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tinnotifika lill-pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx f’konformità mal-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari.

(5)

In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-proċeduri politiċi kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi notifikati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tinkludi fin-notifika informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li huma l-bażi għal tali identifikazzjoni, tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi biex iwieġbu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, pjan ta’ azzjoni għat-titjib u l-miżuri meħuda biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-pajjiżi terzi notifikati żmien biżżejjed sabiex iwieġbu għan-notifika u żmien raġonevoli sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

(6)

L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif stabbilit skont l-Artikolu 31(2) ta’ dak ir-Regolament. Din għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha miksuba skont ir-Regolament IUU jew, kif xieraq, kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, bħad-data tal-qbid, l-informazzjoni kummerċjali miksuba mill-istatistika nazzjonali u minn sorsi affidabbli oħra, ir-reġistri tal-bastimenti u l-bażijiet tad-data, id-dokumenti tal-qbid jew il-programmi ta’ dokumenti statistiċi u l-listi ta’ bastimenti IUU adottati minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba fil-portijiet u fil-postijiet għas-sajd.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, inter alia, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

(8)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika mill-Istat tal-bandiera kkonċernat lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, għall-kontroll u għall-infurzar tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni li jridu jikkonformaw magħhom il-bastimenti tas-sajd tiegħu.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qabda ta’ dak ir-Regolament.

2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TAL-KAMERUN

(10)

Ir-Repubblika tal-Kamerun (minn hawn ’il quddiem “il-Kamerun”) ippreżentat in-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU u din ġiet aċċettata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 2009.

(11)

F’Awwissu 2019, il-Kummissjoni nediet proċess ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-awtoritajiet tal-Kamerun fil-kuntest tal-ġlieda kontra s-sajd IUU. Din il-kooperazzjoni kopriet, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ nazzjonalità Kamerunjana lill-bastimenti tas-sajd, l-arranġamenti nazzjonali stabbiliti għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd fit-territorju tal-pajjiż, il-kundizzjonijiet għad-dritt li bastiment itajjar il-bandiera tal-pajjiż u s-sistemi ta’ kontroll li jirriżultaw. Dan kien jinvolvi skambji bil-miktub mal-awtoritajiet fejn il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja, bħal-lista ta’ bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tal-Kamerun u l-lista ta’ bastimenti li jkunu kisbu liċenzja tas-sajd mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kamerun sabiex jiġi vvalutat il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Kamerun tal-obbligi internazzjonali tiegħu fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(12)

Il-Kamerun irratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982 (2). Il-Kamerun mhuwiex parti kontraenti jew parti mhux kontraenti li tikkoopera fi kwalunkwe RFMO.

(13)

Sabiex tevalwa l-konformità tal-Kamerun mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq li huma dmir tiegħu skont id-dritt internazzjonali, il-Kummissjoni fittxet, ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta’ dan l-eżerċizzju, bħall-informazzjoni ppubblikata mill-RFMOs, l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet tal-Istati tal-port fil-qafas tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-informazzjoni miksuba fuq bażijiet tad-data miftuħa u affidabbli u l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

3.   POSSIBBILTÀ LI L-KAMERUN JIĠI IDENTIFIKAT BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(14)

Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Kamerun bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-finijiet ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

3.1.   Miżuri meħudin fir-rigward tar-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u ta’ flussi kummerċjali ta’ prodotti li joriġinaw minn sajd IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

(15)

F’konformità mal-Artikolu 31(4)(a) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-miżuri meħuda mill-Kamerun fir-rigward ta’ kwalunkwe attività rikorrenti ta’ sajd IUU mwettqa jew appoġġata minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha, jew minn bastimenti tas-sajd li joperaw fl-ilmijiet marittimi tagħha jew li jużaw il-portijiet tagħha.

(16)

Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi tal-informazzjoni miksuba mil-lista u dwar il-bastimenti IUU tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u mill-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet rilevanti tal-Kamerun, li l-bastimenti li ġejjin kienu qed itajru l-bandiera tal-Kamerun wara l-inklużjoni tagħhom fil-lista IUU tal-IOTC (3), UTHAIWAN (isem preċedenti WISDOM SEA REEFER, Nru tal-OMI 7637527), SEA VIEW (isem preċedenti AL WESAM 2, Nru tal-OMI 8692342) u SEA WIND (isem preċedenti AL WESAM 1, Nru tal-OMI 8692354) (4).

(17)

L-awtoritajiet tal-Kamerun ikkonfermaw lill-Kummissjoni li dawn il-bastimenti kienu qed itajru l-bandiera tal-Kamerun wara l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-bastimenti IUU tal-IOTC.

(18)

Barra minn hekk, il-bastiment inkluż fil-lista IUU AL WESAM 5 biddel il-bandiera għal dik tal-Kamerun taħt l-isem PROGRESO, u għalhekk il-lista ta’ bastimenti IUU tal-IOTC ġiet emendata kif xieraq f’Novembru 2020 (5).

(19)

F’dan ir-rigward, il-proċeduri stabbiliti fil-Kamerun qabel ir-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd ma jinvolvux valutazzjoni komprensiva minn qabel tal-istorja ta’ konformità ta’ bastiment u l-kapaċità li jikkonforma ma’ kwalunkwe regolament u miżura internazzjonali applikabbli, kif ukoll il-verifika tal-listi ta’ bastimenti IUU adottati mill-RFMOs kif previst fil-punti 36 u 42 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Iddikjarat ikun Prevenut, Skoraġġut u Eliminat (IPOA-IUU) (6). Tali prattiki jistgħu jwasslu għal attivitajiet ta’ sajd IUU minn bastimenti taħt il-bandiera tal-Kamerun.

(20)

Dan huwa muri wkoll mill-fatt li l-bastiment tas-sajd UTHAIWAN kien għadu wkoll qed itajjar il-bandiera tal-Honduras waqt li kien irreġistrat mill-Kamerun taħt il-bandiera tiegħu. Dan ġie kkonfermat mill-awtoritajiet tal-Honduras f’komunikazzjoni lill-IOTC (7). Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-Artikolu 92(2) tal-UNCLOS, li jistabbilixxi li l-vapuri ma jistgħux ibaħħru bil-bandiera ta’ aktar minn Stat wieħed, f’liema każ jistgħu jitqiesu bħala vapuri mingħajr nazzjonalità.

(21)

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-Kamerun, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-lista ta’ bastimenti rreġistrati li jtajru l-bandiera tiegħu ma tinżammx kif xieraq. L-awtoritajiet ikkonfermaw l-għoti ta’ bandiera tal-Kamerun lil bastimenti tas-sajd li ma jidhrux fil-lista ta’ bastimenti rreġistrati pprovduta lill-Kummissjoni (UTHAIWAN, MAYSEIS Nru tal-OMI 8803630) kif imsemmi fil-premessa (11). Barra minn hekk, skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni dwar il-bażijiet tad-data miftuħa, jidher li mill-inqas 12-il bastiment tas-sajd ġew irreġistrati taħt il-bandiera tal-Kamerun fl-2019 u fl-2020 (8), filwaqt li mhumiex inklużi fil-lista pprovduta lill-Kummissjoni. B’dawn l-azzjonijiet, l-awtoritajiet tal-Kamerun jiksru l-Artikolu 94(2)(a) tal-UNCLOS u r-rakkomandazzjoni tal-paragrafu 42 tal-IPOA-IUU li jipprevedu li kull Stat għandu jżomm reġistru ta’ vapuri li jkun fih l-ismijiet u d-dettalji ta’ vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Dan jikkonferma wkoll li l-Kamerun ma għandux proċedura ta’ reġistrazzjoni robusta u stabbilita ta’ bastimenti taħt il-bandiera tiegħu.

(22)

Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ diversi bastimenti tas-sajd matul perjodu ta’ żmien limitat (l-2019 u l-2020) tqajjem mistoqsija fir-rigward tal-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Kamerun li jistabbilixxu rabta ġenwina bejn il-Kamerun u dawn il-bastimenti li tikser il-kundizzjonijiet stabbiliti għan-nazzjonalità tal-bastimenti fl-Artikolu 91 tal-UNCLOS.

(23)

Barra minn hekk, l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (9) enfasizzat li bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Kamerun (OLUTORSKY, Nru tal-OMI 8826151) inqabad iwettaq attivitajiet ta’ sajd illegali fl-ilmijiet ta’ pajjiż terz fl-2020. Il-bastiment ġie arrestat u ġiet imposta multa fuq l-operatur tal-bastiment mill-Istat kostali.

(24)

Barra minn hekk, fl-2019, il-bastiment UTHAIWAN, li kien qed itajjar il-bandiera tal-Kamerun, ġie miżmum f’port ta’ pajjiż terz u l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż terz imponew multa fuq l-operatur tiegħu talli daħal fil-port mingħajr notifika u talli huwa bastiment inkluż fil-lista IUU (10).

(25)

Fir-rigward tal-informazzjoni stabbilita fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Kamerun naqas milli jirrispetta r-responsabbiltajiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera li jeżerċita kontroll fuq il-flotta tiegħu u jipprevjeni lill-flotta tiegħu milli tinvolvi ruħha f’attivitajiet IUU f’ilmijiet barra mill-ġurisdizzjoni tiegħu. Dan huwa fi ksur tal-Artikolu 94(1) u (2) tal-UNCLOS, li jipprevedi li kull Stat għandu jiżgura b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. Il-Kamerun għalhekk naqas milli jaqdi l-obbligu ta’ diliġenza dovuta tiegħu li juża mezzi adegwati, jeżerċita l-aħjar sforzi possibbli u jagħmel l-aħjar li jista’ biex jipprevjeni s-sajd IUU minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu (11). Dan in-nuqqas lanqas ma huwa konformi mal-paragrafi 34 u 35 tal-IPOA-IUU li jipprevedu li l-Istati jenħtieġ li jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd intitolati li jtajru l-bandiera tagħhom ma jinvolvux ruħhom jew jappoġġaw is-sajd IUU u li jiżguraw ukoll li, qabel ma jirreġistraw bastiment tas-sajd, l-Istati tal-bandiera jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw li tali bastimenti ma jinvolvux ruħhom f’sajd IUU.

(26)

B’konsegwenza ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż ukoll li bastimenti tas-sajd irreġistrati fil-Kamerun imsemmija fil-premessi (16) sa (24), u li b’hekk għandhom in-nazzjonalità tiegħu u huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu, wettqu sajd IUU jew attivitajiet relatati mas-sajd f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-Kamerun, inkluż f’żoni taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi u użaw il-portijiet ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kontroll min-naħa tal-Kamerun fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jippermetti li tali bastimenti jħottu u/jew jittrasbordaw prodotti tas-sajd u għalhekk ma jistax jimpedixxi d-dħul ta’ prodotti tas-sajd li jirriżultaw minn sajd IUU fis-swieq.

(27)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikoli 31(3) u 31(4)(a) tar-Regolament IUU, li l-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera li jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina sajd IUU.

(28)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont il-premessa (26), ġie konkluż, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(b) tar-Regolament IUU, li l-Kamerun naqas milli jipprevjeni l-aċċess ta’ prodotti tas-sajd li jirriżultaw minn sajd IUU lejn is-swieq.

3.2.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

(29)

Skont l-Artikolu 31(5)(a) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-kollaborazzjoni tagħha mal-Kamerun biex tara jekk l-awtoritajiet ikkooperawx b’mod effettiv fit-tweġib tal-mistoqsijiet, fl-għoti ta’ feedback jew fl-investigazzjoni ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sajd IUU u attivitajiet relatati.

(30)

Il-Kummissjoni kellha diffikultajiet biex tistabbilixxi kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti tas-sajd u dawk marittimi tal-Kamerun. Barra minn hekk, l-awtoritajiet imsemmija ma kinux reattivi għat-talbiet imqajma mill-Kummissjoni u l-Kummissjoni rċeviet biss tweġibiet parzjali, b’segwitu limitat dwar il-kwistjonijiet imqajma. Bħala eżempju, il-Kummissjoni ma rċevietx spjegazzjonijiet ċari u komprensivi dwar l-istatus tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Kamerun u l-attivitajiet tagħhom u lanqas dwar il-proċedura tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd taħt il-bandiera tal-Kamerun.

(31)

Barra minn hekk, il-Kamerun naqas ukoll milli juri li jikkoopera u li jikkoordina attivitajiet ma’ Stati oħra u ma’ RFMOs rilevanti fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li huma elenkati fil-listi ta’ bastimenti IUU minn tali organizzazzjonijiet, fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd kif stabbilit fil-paragrafu 28 tal-IPOA-IUU. Il-Kamerun ma weġibx għal talbiet ta’ assistenza reċiproka mibgħuta minn Stat Membru wieħed fl-2020 skont l-Artikolu 51 tar-Regolament IUU kif ukoll għal talbiet indirizzati minn Stat Membru ieħor fl-2019 u fl-2020 fir-rigward ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu li użaw portijiet tal-Unjoni Ewropea.

(32)

F’konformità mal-Artikolu 31(5)(b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-miżuri ta’ infurzar eżistenti biex ikun prevenut, skoraġġut u eliminat is-sajd IUU adottati mill-Kamerun.

(33)

Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni minn bażijiet tad-data miftuħa u kif iddikjarat fil-premessa (21), il-Kamerun irreġistra mill-inqas 12-il bastiment tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu fl-2019 u fl-2020. Dawn il-bastimenti tas-sajd kollha joperaw barra mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kamerun. Minkejja li staqsiet dwar il-qafas ġuridiku rilevanti applikabbli fil-Kamerun, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni. Skont l-informazzjoni disponibbli minn sorsi pubbliċi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar is-sajd (“Loi n° 94/01 portant régime des forêts, de la faune et de la pêche” (12))ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-ġestjoni u l-kontroll tal-bastimenti tas-sajd, la fl-ilmijiet sovrani jew ġuriżdizzjonali tal-Kamerun u lanqas lil hinn mill-ilmijiet tiegħu.

(34)

Dan il-qafas ġuridiku mhuwiex konformi mal-Artikolu 94(2)(b) tal-UNCLOS, li jipprevedi li l-Istat tal-bandiera jassumi ġurisdizzjoni skont il-liġi interna tiegħu fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Barra minn hekk, il-punti 31, 32 u 33 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera jirrikjedu li l-Istati tal-bandiera jimplimentaw skema ta’ kontroll fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u jrid ikollhom stabbiliti miżuri ta’ infurzar li jippermettu, fost l-oħrajn, li jidentifikaw ksur tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni applikabbli (13) kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri adegwati kontra t-trasgressuri. Is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ikunu adegwati fis-severità biex ikunu effettivi fl-iżgurar tal-konformità u jiskoraġġixxu l-ksur kull fejn iseħħ u għandhom iċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom.

(35)

Minkejja li joperaw f’żoni taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi, l-ebda wieħed mill-bastimenti tas-sajd imsemmija fil-premessa (33) ma deher fil-lista ta’ bastimenti liċenzjati tas-sajd, li ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kamerun lill-Kummissjoni fl-2019. Din is-sitwazzjoni tidher li mhijiex konformi mal-punt 30 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera li jippreskrivi li l-Istati tal-bandiera jimplimentaw reġim għall-awtorizzazzjoni tas-sajd u ta’ attivitajiet relatati mas-sajd, kif ukoll mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO u l-paragrafu 45 tal-IPOA-IUU, li jirrikjedu li l-Istati għandhom jiżguraw li l-bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu li jistad f’ilmijiet barra mis-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu jkollu awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-awtoritajiet xierqa tal-Istat tal-bandiera.

(36)

Barra minn hekk, il-bastiment tas-sajd OCEAN MARIA (Nru tal-OMI 8719164) li jtajjar il-bandiera tal-Kamerun, ipprovda att ta’ reġistrazzjoni skadut, u għalhekk invalidu, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri meta talab id-dħul f’port tal-Unjoni Ewropea fl-2020. Minkejja l-fatt li ċertifikat validu kien imbagħad ippreżentat lill-awtoritajiet qabel id-dħul tal-bastiment fil-port, il-bastiment jidher li kompla jopera meta ma kellux ċertifikat ta’ reġistrazzjoni validu bejn l-4 ta’ Frar 2020 u t-13 ta’ April 2020. L-awtoritajiet tal-Kamerun ma weġbux għat-talbiet mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat fir-rigward ta’ dan il-bastiment u tal-istatus tiegħu.

(37)

Barra minn hekk, il-Kamerun ikkonferma lill-Kummissjoni t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti SEA WIND u SEA VIEW inklużi fil-lista IUU tal-IOTC għal attivitajiet ta’ sajd illegali u, skont l-informazzjoni miksuba fuq bażi ta’ data u informazzjoni disponibbli għall-pubbliku pprovduti minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi oħra, il-bastiment UTHAIWAN inkluż fil-lista IUU tal-IOTC issa qed itajjar ukoll il-bandiera ta’ Stat ieħor. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Kamerun ma infurmawx lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura oħra meħuda kontra dawn il-bastimenti inklużi fil-lista IUU u l-operaturi tagħhom. It-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd mhijiex miżura suffiċjenti li għandu jieħu Stat tal-bandiera, peress li tali miżura ma tindirizzax l-attività tas-sajd IUU, u ma tiżgurax l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet jew ta’ miżuri kontra l-attivitajiet tas-sajd IUU mwettqa.

(38)

Dan imur kontra r-rakkomandazzjonijiet li jittieħdu miżuri ta’ infurzar fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ sajd IUU u li tingħata sanzjoni lit-trasgressuri b’biżżejjed severità biex b’mod effettiv ikun prevenut, skoraġġut u eliminat is-sajd IUU u li t-trasgressuri jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jirriżultaw minn sajd bħal dan, kif stabbilit fil-paragrafu 21 tal-IPOA-IUU, fil-paragrafu 8(2)(7) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli kif ukoll fil-punti 31 sa 33, 35 u 38 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera.

(39)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-premessi (33) sa (37), skont l-Artikolu 31(5)(b) tar-Regolament IUU, ġie konkluż li l-Kamerun naqas milli jimplimenta miżuri ta’ infurzar adegwati biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

(40)

F’konformità mal-Artikolu 31(5)(c) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-firxa u l-gravità tal-manifestazzjonijiet tas-sajd IUU li ġew ikkunsidrati.

(41)

Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kamerun, permezz ta’ diversi skambji bil-miktub, li l-bastimenti tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu ġew elenkati fil-listi ta’ bastimenti IUU tal-IOTC, l-awtoritajiet tal-Kamerun ikkonfermaw li l-bastiment tas-sajd UTHAIWAN kien qed itajjar il-bandiera tiegħu u ma indikawx jekk kinux se jieħdu xi miżura kontra dan il-bastiment. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lanqas ma infurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura meħuda fir-rigward tal-bastimenti SEA WIND u SEA VIEW inklużi fil-lista IUU tal-IOTC, la qabel u lanqas wara t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti mir-reġistru nazzjonali.

(42)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Kamerun naqsu wkoll milli jiżguraw kooperazzjoni xierqa ma’ pajjiżi oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmi fil-premessa (31). Barra minn hekk, l-elenkar tal-IOTC tal-bastimenti tal-Kamerun juri n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bħala Stat tal-bandiera ma’ Stati rilevanti oħra fil-kuntest tal-miżuri reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

(43)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-awtoritajiet tal-Kamerun, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, li l-Kamerun naqas milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni u tal-infurzar.

3.3.   Nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

(44)

F’konformità mal-Artikolu 31(6)(a) u (b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat ir-ratifika jew l-adeżjoni tal-Kamerun għall-istrumenti internazzjonali rilevanti tas-sajd u l-istatus tiegħu bħala parti kontraenti għall-RFMOs jew il-qbil tiegħu biex japplika l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati minnhom.

(45)

Bl-eċċezzjoni tal-UNCLOS kif deskritt fil-premessa (12), il-Kamerun ma rratifikax il-Ftehim għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta’ Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi f’Żona Limitata (straddling) u Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna (highly migratory) (UNFSA), la l-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO, u lanqas il-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-FAO (PSMA).

(46)

Dan mhuwiex f’konformità mad-dmir li wieħed jikkoopera u mal-obbligu li jieħu, jew li jikkoopera biex jieħu l-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fl-ibħra miftuħa kif stabbilit fl-Artikoli 117 u 118 tal-UNCLOS. Dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni jmur ukoll kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-paragrafu 11 tal-IPOA-IUU, li jħeġġeġ lill-Istati, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jirratifikaw, jaċċettaw jew jaderixxu mal-UNFSA u mal-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO. Dan imur ukoll kontra l-paragrafu 14 tal-IPOA-IUU li jipprevedi li l-Istati jenħtieġ li jimplimentaw bis-sħiħ u b’mod effettiv il-Kodiċi ta’ Kondotta tas-Sajd tal-FAO u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Internazzjonali assoċjati tiegħu.

(47)

Kif deskritt fil-premessa (12), il-Kamerun mhuwiex parti kontraenti jew parti mhux kontraenti li tikkoopera ma’ kwalunkwe RFMO.

(48)

F’konformità mal-Artikolu 31(6)(c) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat jekk il-Kamerun setax kien involut fi kwalunkwe att jew ommissjoni li setgħet naqqset l-effettività tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli.

(49)

Billi jirreġistraw bastimenti tas-sajd elenkati taħt il-lista IUU tal-IOTC fil-Kamerun u għalhekk jagħtuhom id-dritt li jtajru l-bandiera tagħhom, l-awtoritajiet tal-Kamerun naqqsu l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni adottati mill-RFMOs u kisru r-regoli miftiehma internazzjonalment bħall-Artikolu 3(1)(a) tal-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO, l-Artikolu 18(2) tal-UNFSA, il-punt 35 tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, u l-paragrafi 38 u 39 tal-IPOA-IUU.

(50)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni u abbażi tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-Kamerun, hemm indikazzjonijiet qawwija, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li l-Kamerun naqas milli jaqdi d-dmirijiet kollha tiegħu skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni internazzjonali.

3.4.   Limitazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU)

(51)

Skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI) (14), fl-2019, il-Kamerun kien meqjus bħala pajjiż b’livell medju ta’ żvilupp tal-bniedem, fejn ġie kklassifikat fil-153 post minn fost 189 pajjiż.

(52)

Għalkemm jistgħu jeżistu limitazzjonijiet speċifiċi tal-kapaċità fir-rigward tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-flotta tiegħu, il-limitazzjonijiet speċifiċi tal-Kamerun derivati mil-livell ta’ żvilupp tiegħu ma jiġġustifikawx in-nuqqasijiet kollha identifikati fit-taqsimiet preċedenti. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qafas ġuridiku nazzjonali li jirreferu għall-ġestjoni tal-flotta tas-sajd tiegħu u għall-ġlieda, għall-iskoraġġiment u għall-eliminazzjoni ta’ attivitajiet tas-sajd IUU, inklużi miżuri ta’ infurzar, kif ukoll in-nuqqas ta’ proċeduri li jiżguraw verifika xierqa tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti tas-sajd taħt il-bandiera tiegħu u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali, mal-Kummissjoni, mal-RFMOs jew mal-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi oħra.

(53)

Fid-dawl tal-fatti ppreżentati f’din it-taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kamerun, jista’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istat ta’ żvilupp u l-prestazzjoni ġenerali tal-Kamerun fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd jaf huma mxekkla mil-livell ta’ żvilupp tiegħu. Madankollu, meta titqies in-natura tan-nuqqasijiet stabbiliti tal-Kamerun, il-livell ta’ żvilupp tal-Kamerun ma jistax ikun skuża jew inkella ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni u l-prestazzjoni ġenerali tal-pajjiż bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq fir-rigward tas-sajd u l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet tiegħu li jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

4.   KONKLUŻJONI DWAR L-IDENTIFIKAZZJONI POSSIBLI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

(54)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tan-nuqqas tal-Kamerun li jwettaq dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq, u li jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU, il-Kamerun jenħtieġ li jiġi notifikat, f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(55)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll il-proċeduri politiċi kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward tal-Kamerun. Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġi stabbilit perjodu li fih dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirrettifika s-sitwazzjoni.

(56)

Barra minn hekk, in-notifika lill-Kamerun dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis bħala pajjiż terz li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni la tipprekludi u lanqas ma tinvolvi b’mod awtomatiku xi pass sussegwenti meħud mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-Kamerun għandu jiġi nnotifikat dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  https://treaties.un.org/

(3)  https://iotc.org/sites/default/files/documents/compliance/vessel_lists/IUU%20lists/IOTC_IUU_Vessels_List_20200228_EF.pdfhttps://iotc.org/sites/default/files/documents/compliance/vessel_lists/IUU%20lists/IOTC_IUU_Vessels_List_20200228_EF.pdfhttps://www.iotc.org/vessels

(4)  Dawn il-bastimenti huma elenkati wkoll fil-listi tal-bastimenti IUU tas-CCSBT, tal-ICCAT u tal-SIOFA, f’konformità mad-deċiżjonijiet ta’ elenkar reċiproku.

(5)  https://www.iotc.org/vessels

(6)  Il-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Iddikjarat ikun Prevenut, Skoraġġut u Eliminat, 2001.

(7)  https://www.iotc.org/sites/default/files/documents/2019/11/Circular_2019-48_-_Additional_information_re._a_vessel_listed_in_the_IOTC_IUU_Vessels_List.pdf

(8)  OLUTORSKY (Nru tal-OMI 8826151); TRONDHEIM (Nru tal-OMI 8832112); HELSINGFORS (Nru tal-OMI 8033297); SVEABORG (Nru tal-OMI 7610414); SEI WHALE (Nru tal-OMI 7703950); AVACHINSKY (Nru tal-OMI 8138695); FORSA (isem preċedenti BORNHOLM, Nru tal-OMI 8721208); GREY WHALE (Nru tal-OMI 7703962); MARSHAL VASILEVSKIY (Nru tal-OMI 8033869); FREDERIKSHAMN (Nru tal-OMI 8730132); VEGA (isem preċedenti SKAGEN, Nru tal-OMI 8325353); HUMPBACK WHALE (Nru tal-OMI 9120281).

(9)  https://urldefense.com/v3/__https://informante.web.na/fish-pirate-detained-and-fined-in-angola/__;!!DOxrgLBm!VoPoXqdWpPNJ9Ig3rrRZj6ppy2uoQrG8idWTKZhTJcaIFOU5ix6cH67OOiErNsF3UCccqQhttps://urldefense.com/v3/__https://informante.web.na/fish-pirate-detained-and-fined-in-angola/__;!!DOxrgLBm!VoPoXqdWpPNJ9Ig3rrRZj6ppy2uoQrG8idWTKZhTJcaIFOU5ix6cH67OOiErNsF3UCccqQhttp://jornaldeangola.sapo.ao/sociedade/navio-de-pesca-retido-foi-ontem-inspeccionado

(10)  https://www.iotc.org/sites/default/files/documents/2019/11/Circular_2019-48_-_Additional_information_re._a_vessel_listed_in_the_IOTC_IUU_Vessels_List.pdf

(11)  Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar, Kawża Nru 21, par. 129.

(12)  http://www.fao.org/faolex/country-profiles/general-profile/fr/?iso3=CMR

(13)  Linji Gwida Volontarji għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, Marzu 2014, meħuda minn: http://www.fao.org/3/a-i4577t.pdf

(14)  http://hdr.undp.org/sites/all/themes/hdr_theme/country-notes/CMR.pdf