ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 018I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
18ta' Jannar 2021


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

2021/C 18 I/01

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea — Prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2021

1

2021/C 18 I/02

Konklużjonijiet Konġunti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar — Objettivi u Prijoritajiet ta' Politika għall-2020-2024

5


MT

 


II Komunikazzjonijiet

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 18/1


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea

Prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2021

(2021/C 18 I/01)

Wara pandemija bla preċedent, l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha wrew ruħhom reżiljenti. Madankollu, il-qawmien mill-ġdid reċenti tal-coronavirus madwar l-Ewropa juri l-ħtieġa kbira li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jaġixxu b'attenzjoni, solidarjetà, kawtela u koordinazzjoni fil-ġestjoni u t-tegħlib tal-kriżi. Fejn kienu meħtieġa bidliet leġiżlattivi urġenti biex jiġu protetti l-ħajjiet u l-għajxien, l-Ewropa wriet ir-riżoluzzjoni u l-kompetenza biex taġixxi malajr fl-ispirtu ta' solidarjetà Ewropea reali. L-UE ħadet ukoll azzjoni massiva biex tiġġieled l-effetti soċjoekonomiċi tal-pandemija, bl-adozzjoni ta' Qafas Finanzjarju Pluriennali li jammonta għal EUR 1 074 triljun u fond ta' rkupru ''NextGenerationEU'' ta' EUR 750 biljun. Il-Kummissjoni ser tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura d-disponibbiltà mifruxa tal-vaċċini tal-COVID-19 għal dawk kollha fil-bżonn.

Il-prijoritajiet strateġiċi li ġew stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-UE fil-bidu ta' dan il-mandat – Ewropa aktar b'saħħitha, aktar ekoloġika, aktar diġitali, aktar ġusta u soċjali, li ma tħalli lil ħadd lura – ser ikomplu jiggwidaw id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna u jagħmlu s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna aktar reżiljenti. Aħna nibqgħu impenjati li nimplimentaw dawn il-prijoritajiet, insaħħu l-identità Ewropea u nużaw il-potenzjal sħiħ li joffru t-Trattati.

Din id-Dikjarazzjoni Konġunta għall-2021, li hija bbażata fuq il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għas-sena li ġejja, turi d-determinazzjoni komuni tagħna li nwettqu l-bidliet prattiċi mixtieqa miċ-ċittadini Ewropej. Issa wasal iż-żmien li nimxu mill-istrateġija għall-implimentazzjoni. Id-Dikjarazzjoni Konġunta tiġbed l-attenzjoni politika għall-proposti leġiżlattivi ewlenin (1) li jew diġà ġew ippreżentati mill-Kummissjoni Ewropea jew ser ikunu ppreżentati fil-ħarifa tal-2021. It-tliet Istituzzjonijiet ser jużaw l-aqwa sforzi tagħhom biex jiżguraw li jkun jista' jsir progress sa tmiem is-sena. Huma jfakkru fil-kontribut pożittiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt fit-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li l-inizjattivi b'impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali sinifikanti inklużi fid-Dikjarazzjoni Konġunta, bħala regola ġenerali, ser ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jagħtu l-akbar prijorità lill-inizjattivi li ġejjin, sabiex jinkisbu kemm jista' jkun sa tmiem l-2021 u biex jiġu stabbiliti l-pedamenti għat-trasformazzjoni, l-irkupru u r-reżiljenza futura tal-Ewropa:

1.

L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni klimatika tkun ġusta u li ħadd ma jitħalla barra, li l-UE tkun tista' tikseb newtralità klimatika sal-2050 u li jkun żgurat progress ambizzjuż lejn dak l-għan sal-2030, tiġi ppreservata l-bijodiversità, titreġġa' lura d-deforestazzjoni, il-mobbiltà ssir aktar intelliġenti u aktar sostenibbli u l-iżgurar tar-riżorsi naturali tagħna;

2.

Biex insawru d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa, ser naħdmu biex noħolqu suq uniku li jiffunzjona verament għas-servizzi diġitali fi ħdan konfini sikuri u etiċi, noħolqu qafas għal intelliġenza artifiċjali affidabbli, niżviluppaw tmexxija Ewropea b'miri diġitali għall-2030 u ekonomija tad-data vibranti, niżviluppaw qafas għall-UE kollha għal identifikazzjoni elettronika pubblika sigura, insaħħu l-privatezza fil-komunikazzjoni elettronika u niżviluppaw il-kompetenzi u r-reżiljenza taċ-ċibersigurtà tal-UE, b'mod partikolari fil-finanzi, filwaqt li nsegwu tassazzjoni diġitali ġusta; ser inkomplu mmexxu d-diġitalizzazzjoni 'l quddiem b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-saħħa kif ukoll is-sovranità diġitali u l-kapaċità innovattiva tal-Ewropa;

3.

Biex inwasslu Ekonomija għas-servizz tan-nies, niżguraw li l-irkupru jasal għand is-soċjetà kollha, billi napprofondixxu s-suq uniku u nsaħħu l-industriji tagħna, nistinkaw għal aktar ġustizzja soċjali u prosperità, intaffu l-konsegwenzi negattivi tal-kriżi għall-gruppi soċjali vulnerabbli, inġeddu l-impenn tagħna għal settur kulturali vibranti u ekonomikament b'saħħtu. Fl-istess ħin, napprofondixxu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, insaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-banek u s-swieq kapitali tal-Ewropa, niżguraw aktar trasparenza dwar it-tassazzjoni tan-negozji multinazzjonali; u niżguraw kompetizzjoni ġusta fl-UE u fix-xena globali;

4.

Biex l-Ewropa ssir aktar b'saħħitha fid-dinja, ser insaħħu l-marka tal-Ewropa ta' tmexxija responsabbli globalment u sħubija b'saħħitha; aħna ninsabu lesti wkoll li nagħtu impetu mġedded qawwi lir-relazzjonijiet transatlantiċi tagħna. Nippromwovu regoli kummerċjali internazzjonali li jiġu infurzati kif suppost u li jipprovdu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

5.

Biex nippromwovu Ewropa ħielsa u sikura, ser naħdmu biex naqblu dwar patt ġdid dwar l-ażil u l-migrazzjoni, biex niżguraw li l-migrazzjoni tiġi indirizzata b'mod komprensiv, u l-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tagħna; nipproteġu l-moviment liberu permezz tat-tisħiħ tal-qafas ta' Schengen; intejbu r-rispons tal-Ewropa għall-kriżijiet tas-saħħa. Ser naġixxu b'mod deċiżiv biex nipprevjenu t-tixrid ta' kontenut terroristiku u l-abbuż sesswali tat-tfal online;

6.

Biex nipproteġu u nsaħħu d-demokrazija tagħna u niddefendu l-valuri komuni Ewropej tagħna, ser inkomplu nsaħħu l-kapaċità tal-UE li tiddefendi u tipproteġi l-istat tad-dritt u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tipproteġi liċ-ċittadini kontra theddid u reati emerġenti. Ser intejbu r-regoli dwar il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, kif ukoll dwar ir-reklamar politiku. Ser niżguraw kooperazzjoni akbar fil-ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali u nieħdu passi ġodda biex insegwu l-ugwaljanza għall-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol.

Barra minn hekk, infakkru fl-impenn tagħna:

Għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda;

Li naħdmu għal Ewropa ħielsa mid-diskriminazzjoni, bi drittijiet u opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

Li nsegwu politiki tat-tkabbir u tal-viċinat imsaħħa mill-ġdid u strateġija komprensiva mal-Afrika;

Li nindirizzaw il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa kif ukoll l-iżgurar ta' sistema tat-taxxa soda u ġusta;

Li ninvolvu ruħna maċ-ċittadini sabiex ikollhom vuċi akbar dwar il-futur tal-Ewropa inkluż permezz tal-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa.

It-tliet Istituzzjonijiet ser jaħdmu flimkien fuq il-proposti pendenti kollha, iggwidati mill-prinċipji tal-valur miżjud Ewropew, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Ser inkomplu nimxu 'l quddiem b'riżoluzzjoni u kompetenza sabiex l-Ewropa tkun tista' tagħti riżultati liċ-ċittadini tagħha meta u fejn ikun l-aktar importanti.

Aħna impenjati favur l-implimentazzjoni korretta u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Aħna, bħala Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea, ser nimmonitorjaw regolarment l-implimentazzjoni f'waqtha u effiċjenti ta' din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

Съставено в Брюксел на десети декември две хиляди и двадесета година.

Hecho en Bruselas, el diez de diciembre de dos mil veinte.

V Bruselu dne desátého prosince dva tisíce dvacet.

Udfærdiget i Bruxelles den tiende december to tusind og tyve.

Geschehen zu Brüssel am zehnten Dezember zweitausendzwanzig.

Kahe tuhande kahekümnenda aasta detsembrikuu kümnendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δέκα Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες είκοσι.

Done at Brussels on the tenth day of December in the year two thousand and twenty.

Fait à Bruxelles, le dix décembre deux mille vingt.

Arna dhéanamh sa Bhruiséil, an deichiú lá de mhí na Nollag an bhliain dhá mhíle fiche.

Sastavljeno u Bruxellesu desetog prosinca godine dvije tisuće dvadesete.

Fatto a Bruxelles, addì dieci dicembre duemilaventi.

Briselē, divi tūkstoši divdesmitā gada desmitajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai dvidešimtų metų gruodžio dešimtą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-huszadik év december havának tizedik napján.

Magħmul fi Brussell, fl-għaxar jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u għoxrin.

Gedaan te Brussel, tien december tweeduizend twintig.

Sporządzono w Brukseli dnia dziesiątego grudnia roku dwa tysiące dwudziestego.

Feito em Bruxelas, em dez de dezembro de dois mil e vinte.

Întocmit la Bruxelles la zece decembrie două mii douăzeci.

V Bruseli desiateho decembra dvetisícdvadsať.

V Bruslju, dne desetega decembra leta dva tisoč dvajset.

Tehty Brysselissä kymmenentenä päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentä.

Som skedde i Bryssel den tionde december år tjugohundratjugo.

Image 1


(1)  Skont il-Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja


18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 18/5


Konklużjonijiet Konġunti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar

Objettivi u Prijoritajiet ta' Politika għall-2020-2024

(2021/C 18 I/02)

Għat-terminu leġiżlattiv sal-2024, it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jwettqu aġenda politika u leġiżlattiva ambizzjuża għall-irkupru u l-vitalità mġedda. Din hija aġenda pożittiva għal Unjoni aktar reżiljenti li qed tagħmel l-almu tagħha biex tirkupra mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li taħtaf l-opportunitajiet taż-żewġ trasformazzjonijiet - dik klimatika u dik diġitali - u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa. Biex inqiegħdu l-Unjoni u s-sħab tagħha fit-triq lejn l-irkupru u nħejju għal dawn it-tranżizzjonijiet, aħna ser nagħtu prijorità lill-objettivi li ġejjin matul l-erba' snin li ġejjin:

1.

Ser nagħmlu kull sforz biex niżguraw irkupru sħiħ mill-pandemija tal-COVID-19 li ma jħalli lil ħadd jibqa' lura. Ser inkomplu nipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien, nappoġġaw il-persunal mediku u niżguraw id-disponibbiltà ta' oġġetti mediċi fl-UE u barra minnha, u nagħtu prijorità lill-iżvilupp u d-distribuzzjoni madwar id-dinja ta' vaċċin. Ser inkomplu nikkonċentraw l-isforzi tagħna fuq miżuri biex jittaffew l-effetti tal-kriżi ekonomika. Ser nużaw il-baġit pluriennali ambizzjuż tagħna, imsaħħaħ minn NextGenerationEU, biex nixprunaw l-irkupru u nsawru l-ekonomija ta' għada filwaqt li nimplimentaw il-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda. Ser napprofondixxu s-suq uniku biex nirfdu rkupru b'saħħtu u nsawru Ewropa aktar kompetittiva u aktar sostenibbli. Ser nindirizzaw it-tagħlimiet mill-kriżi tas-saħħa u l-vulnerabbiltajiet li kixfet, b'kooperazzjoni aktar ambizzjuża fis-saħħa u l-protezzjoni ċivili, u nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa, filwaqt li nirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali.

2.

Lil hinn mill-immaniġġar tal-pandemija b'mod koordinat, ser nintensifikaw il-ħidma tagħna biex nibnu l-Unjoni ta' għada. Għal dan il-għan, ser nagħtu prijorità lill-azzjonijiet li jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar ġusta, aktar sana, aktar ekoloġika u aktar diġitali fl-UE u fix-xena globali. Ser nagħtu spinta lir-riċerka u l-iżvilupp tagħna kif ukoll lill-kapaċità ta' innovazzjoni tagħna biex naċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b'mod partikolari f'oqsma ewlenin bħas-settur tal-enerġija, il-computing ta' prestazzjoni għolja u l-intelliġenza artifiċjali affidabbli.

3.

It-tmexxija globali tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tibqa' prijorità ewlenija peress li t-tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet u l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi fis-setturi kollha tal-ekonomija saru imperattiv urġenti. Fl-istess ħin, it-tranżizzjoni ekoloġika ġġib magħha opportunitajiet kbar ħafna għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li ttejjeb ir-reżiljenza tagħna għat-tibdil fil-klima. Fl-erba' snin li ġejjin, ser insegwu l-għanijiet tagħna ta' newtralità klimatika sal-2050, tat-tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn ekonomija kompetittiva, sostenibbli u ċirkolari, tal-protezzjoni tal-bijodiversità, u tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030.

4.

Il-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat l-iperkonnettività u l-integrazzjoni ta' teknoloġiji ġodda li jsawru l-mod kif ngħixu u jittrasformaw il-mod kif nitgħallmu, naħdmu, nissoċjalizzaw u nikkunsmaw. Il-kriżi kixfet ukoll il-vulnerabbiltajiet li qed tiffaċċa l-Ewropa - li jvarjaw miċ-ċibersigurtà għal kwistjonijiet ta' kapaċità u infrastruttura tal-broadband insuffiċjenti f'bosta reġjuni. Biex insaħħu postna fl-ekonomija globali u niddefendu l-valuri tagħna, ser insawru s-soluzzjonijiet diġitali tagħna stess u nistabbilixxu s-sovranità diġitali tal-Ewropa. L-isforzi tagħna jeħtieġ li jiffukaw fl-istess ħin fuq l-aċċess għad-data u l-protezzjoni tagħha, l-iżvilupp ta' teknoloġija innovattiva u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tagħna. Biex nużaw il-momentum attwali u npoġġu lill-Ewropa fuq perkors ambizzjuż lejn diġitalizzazzjoni ulterjuri, ser niddefinixxu miri diġitali ċari għall-2030 u naħdmu b'mod konġunt lejn ir-realizzazzjoni tagħhom. L-effetti ekonomiċi tal-kriżi u l-veloċità tal-irkupru mhux ser ikunu l-istess għall-gruppi kollha fis-soċjetà u f'kull reġjun tal-UE. Il-kriżi żiedet il-qgħad, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa li jaħdmu f'tipi vulnerabbli ta' impjiegi. Huwa għalhekk li ser nadottaw miżuri biex inkomplu nimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema fl-ekonomija diġitali, nipprovdu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, niżviluppaw qafas għal pagi minimi adegwati, u nagħmlu l-pagi aktar trasparenti.

5.

Biex l-ekonomija tagħna ssir aktar reżiljenti u robusta, ser inkomplu nsaħħu l-pedamenti tagħha. Ser niżguraw il-moviment liberu permezz tal-funzjonament tajjeb taż-Żona Schengen, ninfurzaw, napprofondixxu u nerġgħu nagħtu l-ħajja lis-suq uniku, nappoġġaw il-programmi nazzjonali ta' riforma u ta' investiment, u ninċentivaw l-investimenti privati biex nirriattivaw l-ekonomija. Ser insegwu politika industrijali Ewropea ambizzjuża biex nagħmlu l-industrija tagħha aktar sostenibbli, ekoloġika, globalment kompetittiva u aktar reżiljenti. Jeħtieġ li nsaħħu l-munita unika tagħna, niżguraw stabbiltà finanzjarja akbar u nipproteġu lilna nfusna mill-kriminalità finanzjarja, il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u l-ħasil tal-flus. In-negozji u l-popli Ewropej jeħtieġ li jkunu protetti minn kompetizzjoni inġusta minn barra. Biex niksbu dan, ser nintroduċu sett xieraq ta' azzjonijiet dwar it-tassazzjoni u nindirizzaw l-effetti distorsivi li ċerti sussidji barranin għandhom fuq is-suq uniku tagħna. Biex nevitaw nuqqasijiet fil-provvista u dipendenzi fuq oġġetti li huma kruċjali għas-sikurezza taċ-ċittadini tagħna jew għall-funzjonament tal-ekonomija tagħna, ser nidentifikaw dipendenzi strateġiċi u nieħdu azzjoni biex innaqqsuhom. Ser insaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa u r-reżiljenza tagħna u nżommu l-impenn sod tagħna għal kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli.

6.

Qed jiżdiedu t-tentattivi minn reġimi awtoritarji biex ixerrdu narrattivi qarrieqa dwar il-pandemija tal-COVID-19 u jimminaw is-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Il-futur tal-Unjoni tagħna ser jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li niddefendu l-valuri komuni tagħna u nsaħħu l-mudell demokratiku tagħna. Aħna impenjati bis-sħiħ għall-prinċipju tal-istat tad-dritt li fuqu hija bbażata s-sistema demokratika tagħna. Ser naġixxu b'mod deċiżiv biex niggarantixxu s-sigurtà tal-Ewropej. Ser insaħħu wkoll il-kapaċità komuni tagħna li nirreaġixxu għat-terroriżmu u t-theddid ibridu, it-theddid u r-reati transsettorjali, transkonfinali u ibridi emerġenti u eżistenti. Il-poplu huwa l-qalb li tħabbat tad-demokrazija tagħna. Ser nindirizzaw il-kwistjonijiet urġenti tas-soċjetà relatati mat-tibdil demografiku. Ser inkomplu niddefendu r-rispett għad-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni kemm fil-pajjiżi tagħna kif ukoll barra minnhom. Ser niġġieldu r-razziżmu u naħdmu għal Unjoni ta' ugwaljanza bi drittijiet u opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Ser niffinalizzaw il-ħidma tagħna fuq riforma komprensiva tas-sistema tagħna tal-migrazzjoni u l-ażil biex niżguraw approċċ effiċjenti u uman u ngħammru lilna nfusna bl-għodod biex niffaċċjaw sfidi futuri.

7.

Ser insaħħu r-rwol tal-UE bħala attur globali: il-kooperazzjoni hija essenzjali biex jiġu influwenzati l-iżviluppi globali li jsawru l-futur tagħna u biex tiġi sostnuta s-saħħa tal-pjaneta tagħna. Huwa għalhekk li ser nippromwovu u nirriformaw l-ordni globali multilaterali u bbażat fuq ir-regoli. Ser naħdmu mill-qrib mas-sħab strateġiċi tagħna u pajjiżi tal-istess fehma, b'mod partikolari mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, biex niksbu dawn l-objettivi. Ser insegwu politika ta' tkabbir imsaħħa mill-ġdid, nagħtu attenzjoni partikolari lis-sħab tagħna fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u nippromwovu sħubija vibranti mal-Afrika. Ser intejbu l-kapaċitajiet ta' difiża tagħna għal Ewropa aktar b'saħħitha bħala parti minn alleanza transatlantika aktar b'saħħitha. Ser naħdmu għal WTO b'saħħitha u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, filwaqt li niżguraw il-kapaċità tagħna li nirreaġixxu għal prattiki inġusti u nuqqas ta' reċiproċità.

Dawn l-objettivi u l-prijoritajiet ta' politika ser jispiraw u jiggwidaw l-azzjoni tagħna fis-snin li ġejjin. Ser ninkorporaw il-previżjoni strateġika fit-tfassil ta' politika tagħna biex nifhmu aħjar l-effetti futuri tal-għażliet ta' politika tal-lum, biex nirnexxu fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u biex insaħħu l-kapaċità tagħna li ninfluwenzaw l-iżviluppi globali. Ser naħdmu flimkien sabiex inġibu r-riżultati għaċ-ċittadini tagħna. F'dan ir-rigward, ser nipprovdu mezzi biex isemmgħu leħinhom fit-tfassil ta' politika tal-UE, inkluż permezz tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Ser inkunu ggwidati mill-prinċipji tal-valur miżjud Ewropew, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-użu tal-potenzjal sħiħ li joffru t-Trattati.

Съставено в Брюксел на десети декември две хиляди и двадесета година.

Hecho en Bruselas, el diez de diciembre de dos mil veinte.

V Bruselu dne desátého prosince dva tisíce dvacet.

Udfærdiget i Bruxelles den tiende december to tusind og tyve.

Geschehen zu Brüssel am zehnten Dezember zweitausendzwanzig.

Kahe tuhande kahekümnenda aasta detsembrikuu kümnendal päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δέκα Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες είκοσι.

Done at Brussels on the tenth day of December in the year two thousand and twenty.

Fait à Bruxelles, le dix décembre deux mille vingt.

Arna dhéanamh sa Bhruiséil, an deichiú lá de mhí na Nollag an bhliain dhá mhíle fiche.

Sastavljeno u Bruxellesu desetog prosinca godine dvije tisuće dvadesete.

Fatto a Bruxelles, addì dieci dicembre duemilaventi.

Briselē, divi tūkstoši divdesmitā gada desmitajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai dvidešimtų metų gruodžio dešimtą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kétezer-huszadik év december havának tizedik napján.

Magħmul fi Brussell, fl-għaxar jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u għoxrin.

Gedaan te Brussel, tien december tweeduizend twintig.

Sporządzono w Brukseli dnia dziesiątego grudnia roku dwa tysiące dwudziestego.

Feito em Bruxelas, em dez de dezembro de dois mil e vinte.

Întocmit la Bruxelles la zece decembrie două mii douăzeci.

V Bruseli desiateho decembra dvetisícdvadsať.

V Bruslju, dne desetega decembra leta dva tisoč dvajset.

Tehty Brysselissä kymmenentenä päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattakaksikymmentä.

Som skedde i Bryssel den tionde december år tjugohundratjugo.

Image 2