ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 10

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
11ta' Jannar 2021


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-555 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 27.10.2020–29.10.2020

2021/C 10/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tan-nisa, tal-ommijiet u tal-familji li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, u l-livelli tal-lingwi fil-mira għall-integrazzjoni (opinjoni esploratorja)

1

2021/C 10/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ġestjoni tad-diversità fl-Istati Membri tal-UE (opinjoni esploratorja)

7

2021/C 10/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta’ dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri (opinjoni esploratorja)

14


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-555 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 27.10.2020–29.10.2020

2021/C 10/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje tal-kategorija L b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19(COM(2020) 491 final – 2020/0251 (COD))

27

2021/C 10/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta’ pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19(COM(2020) 280 final — 2020/0152 (COD)), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-prospett ta’ Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji biex jgħinu l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19(COM(2020) 281 final — 2020/0155 (COD)), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19(COM(2020) 282 final — 2020/0151 (COD)), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19(COM(2020) 283 final — 2020/0156 (COD))

30

2021/C 10/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu(COM(2020) 337 final – 2020/0154 (COD))

35

2021/C 10/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza(COM(2020) 274 final) — Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza(COM(2020) 275 final)

40

2021/C 10/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss(COM(2020)276 final)Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ(COM(2020) 277 final — 2020/132(NLE))

48

2021/C 10/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)(COM(2020) 258 final)

56

2021/C 10/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online[COM(2020) 568 final — 2020/0259 (COD)]

63

2021/C 10/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq(COM(2020) 360 final — 2020/0165 (CNS))

65

2021/C 10/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili(COM(2020) 220 — 2020/0097 (COD))

66

2021/C 10/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament(COM (2020) 483 final — 2020/0231 (COD))

67

2021/C 10/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2021 sal-2027(COM(2020) 437 final — 2020/0209 (CNS))

68

2021/C 10/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)(COM(2020) 563 final — 2020/0036 (COD))

69

2021/C 10/16

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020 (opinjoni addizzjonali) (COM(2019) 650 final)

70

2021/C 10/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (opinjoni addizzjonali) (COM(2019) 652 final)

79


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-555 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 27.10.2020–29.10.2020

11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tan-nisa, tal-ommijiet u tal-familji li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, u l-livelli tal-lingwi fil-mira għall-integrazzjoni”

(opinjoni esploratorja)

(2021/C 10/01)

Relaturi:

Indrė VAREIKYTĖ

Ákos TOPOLÁNSZKY

Talba mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill

Ittra tat-18.2.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

234/4/14

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li:

il-pjani ta’ azzjoni u l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tal-migranti jvarjaw ħafna madwar l-UE mil-lat tal-prinċipji ta’ gwida, il-miżuri u l-livell ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tagħhom;

ftit hemm evidenza fl-Istati Membri kollha ta’ pjani ta’ azzjoni u strateġiji b’enfasi partikolari fuq in-nisa jew kwistjonijiet ta’ ġeneru, filwaqt li n-nisa li ġejjin minn minn minoranza etnika b’kuntest ta’ migrazzjoni, kif ukoll nisa ta’ gruppi ta’ etajiet differenti, jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jew intersettorjali f’ħafna oqsma tal-ħajja soċjali;

inqas minn nofs l-Istati Membri tal-UE għandhom pjani ta’ azzjoni jew strateġiji li jindirizzaw b’mod espliċitu d-dixxendenti tal-migranti, anke meta l-evidenza statistika mill-Eurostat u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tenfasizza l-pożizzjoni żvantaġġata tagħhom;

l-integrazzjoni effettiva għandha għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u fiskali potenzjali għall-pajjiżi fejn il-migranti jissetiljaw, madankollu t-total ta’ azzjonijiet adegwati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali huwa wieħed baxx meta mqabbel mal-kumplessità tal-isfidi.

1.2.

Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod sproporzjonat lill-komunitajiet vulnerabbli, speċjalment lill-migranti li ġejjin minn minoritajiet etniċi u lin-nisa migranti b’mod partikolari. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex, fl-iżvilupp tal-Inizjattiva l-ġdida tagħha dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni, tqis il-lezzjonijiet mitgħallma minn din il-kriżi u turi l-aħjar approċċi li ttieħdu fl-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jemmen f’approċċ olistiku fl-indirizzar tal-isfidi tal-migrazzjoni. L-Inizjattiva għandha għalhekk tinkludi politiki dwar id-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-kultura, il-ġustizzja u s-saħħa.

1.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa komunikazzjoni u koordinazzjoni aħjar u aktar effiċjenti mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħhom fit-tfassil ta’ politiki olistiċi ta’ integrazzjoni.

1.5.

Il-KESE għal darb’oħra jikkundanna l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom u jitlob lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li n-nisa migranti li jkunu vittmi ta’ vjolenza jkollhom l-istess aċċess bħan-nisa indiġeni għal servizzi, appoġġ u faċilitajiet adatti.

1.6.

Il-KESE għal darb’oħra jħeġġeġ l-istabbiliment ta’ sistemi aħjar għall-valutazzjoni tal-kredenzjali edukattivi u l-provvediment ta’ programmi ta’ appoġġ speċifiċi għall-ġeneru li jistgħu jiffaċilitaw id-dħul tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol.

1.7.

Il-KESE jappella għal azzjonijiet urġenti biex jiġi żgurat approċċ integrat li għandu l-għan li jarmonizza l-governanza f’diversi livelli tal-politiki soċjali u tal-impjieg li jaffettwaw ix-xogħol domestiku fl-UE.

1.8.

Jeħtieġ li jiġu żviluppati attivitajiet aktar sistematiċi ta’ sensibilizzazzjoni u għarfien biex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati jkunu konxji tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u biex tinbena l-fiduċja tagħhom – u tiżdied il-kapaċità – fl-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi biex jipproteġuhom.

1.9.

Il-KESE jappella għal linji gwida komuni tal-UE għat-taħriġ tal-lingwi biex jiġi żgurat approċċ unifikat u olistiku, mhux biss billi jiġu riflessi l-ħtiġijiet u l-livelli differenti tal-istudenti, iżda wkoll ir-rekwiżiti tal-kwalifiki għall-għalliema.

1.10.

Il-KESE jemmen li t-taħriġ fil-lingwi għandu jinkludi l-gwida, l-informazzjoni u l-ispjegazzjoni tal-għanijiet u l-benefiċċji tat-taħriġ fil-lingwi għal ħajjet il-migranti, u b’hekk jitħeġġu jkunu aktar attivi fil-proċess.

1.11.

Il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju li jiġi investigat aktar jekk il-Qafas Komuni Ewropew ta’ referenza għal-lingwi jistax jintuża biex jiġi ssemplifikat il-proċess tat-taħriġ tal-lingwi tal-migranti u biex jiġi żgurat approċċ aktar imfassal apposta.

1.12.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir ta’ data dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni li tkun adegwata, komparabbli u diżaggregata skont is-sessi fil-livell tal-UE, nazzjonali u, speċjalment, dak lokali.

2.   Suġġett tal-Opinjoni esploratorja

2.1.

Il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbet lill-KESE biex f’Opinjoni esploratorja jiddiskuti l-miżuri speċifiċi previsti fl-Istati Membri għall-integrazzjoni tan-nisa, l-ommijiet u l-familji li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, u l-mudelli tal-korsijiet tal-lingwa użati fl-Istati Membri fil-bidu tal-proċess tal-integrazzjoni għar-refuġjati u migranti oħra u l-livelli tal-lingwa fil-mira stabbiliti minn dawn il-korsijiet.

3.   Analiżi tas-sitwazzjoni (1)

3.1.

Il-pjanita’ azzjoni u l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tal-migranti jvarjaw ħafna madwar l-UE mil-lat tal-prinċipji ta’ gwida, il-miżuri u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom. Dawn il-varjazzjonijiet jirriflettu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, it-tradizzjonijiet amministrattivi u l-istejjer tal-migrazzjoni. Dawn l-approċċi diversi jiġu diskussi fin-Network Ewropew dwar l-Integrazzjoni. Madankollu, għad hemm differenzi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika tal-Integrazzjoni tal-Immigranti fl-UE tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u dokumenti politiċi rilevanti oħra. Huwa importanti li wieħed jinnota li f’xi Stati Membri, il-politiki ta’ integrazzjoni huma implimentati mill-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali, u b’hekk jiżdiedu aktar id-differenzi fl-implimentazzjoni ta’ din il-gwida.

3.2.

Fl-Istati Membri kollha ftit hemm evidenza ta’ pjani ta’ azzjoni u strateġiji b’enfasi partikolari fuq in-nisa jew kwistjonijiet ta’ ġeneru u hemm indikazzjonijiet li n-nisa li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni, inklużi n-nisa minn minoritajiet etniċi u nisa ta’ karnaġġjon skur b’mod partikolari, jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla jew intersettorjali f’ħafna oqsma tal-ħajja soċjali, inklużi l-impjieg u l-edukazzjoni, u b’mod partikolari jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa (2).

3.3.

Inqas minn nofs l-Istati Membri tal-UE għandhom pjani ta’ azzjoni jew strateġiji li jindirizzaw b’mod espliċitu d-dixxendenti tal-migranti, anke meta l-evidenza statistika tenfasizza l-pożizzjoni żvantaġġata tagħhom. In-nuqqas ta’ inklużjoni soċjali jirriskja l-aljenazzjoni potenzjali taż-żgħażagħ b’nisel migrant, b’konsegwenzi għall-koeżjoni soċjali, l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u ż-żieda tal-kriminalità, kif ukoll iż-żieda tal-vulnerabbiltà tal-migranti żgħażagħ fir-rigward tad-diżinformazzjoni u l-movimenti estremisti.

3.4.

Il-komunikazzjoni mal-ġenituri migranti hija politika stabbilita u sistematika biss fi ftit Stati Membri. Dawn il-politiki jvarjaw mill-involviment u l-impenn ta’ ġenituri u familji migranti u refuġjati fil-ħajja fl-iskejjel u l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom biex jgħinuhom jitgħallmu l-lingwa nazzjonali tal-Istat Membru, u b’hekk ikunu jistgħu jassistu u jappoġġjaw lit-tfal tagħhom fl-proċess edukattiv.

3.5.

L-evidenza pprovduta mir-riċerka u l-istudji fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri tindika s-segregazzjoni tat-tfal migranti fl-iskola. Barra minn hekk, anke meta l-konċentrazzjoni residenzjali ma tkunx għolja, xi skejjel, b’mod partikolari skejjel primarji, għandhom it-tendenza li jkunu aktar segregati mill-viċinati li jaqdu.

3.6.

L-għadd ta’ tfal migranti taħt it-18-il sena mingħajr kustodja legali qed jiżdied kontinwament – l-Ewropa tirċievi 74 % ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jfittxu ażil. Wara vjaġġ ta’ migrazzjoni trawmatiku, li ħafna drabi jkun jinkludi l-vjolenza, dawn it-tfal u l-adoloxxenti jkomplu jkunu esposti għal diversi perikli u huma partikolarment vulnerabbli għal networks kriminali: reklutaġġ taħt l-età, traffikar tat-tfal għall-prostituzzjoni, sfruttament sesswali u tħaddim tat-tfal (3).

3.7.

Il-ġbir tad-data mill-korpi għall-ugwaljanza fl-Istati Membri huwa normalment limitat għal każijiet ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ oriġini razzjali/etnika. Teżisti ftit jew l-ebda data fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE dwar ilmenti relatati mad-diskriminazzjoni mressqa minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet li ma jkunux ta’ oriġini etnika jew razzjali (4). L-għadd attwali ta’ lmenti mressqa minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi quddiem il-korpi għall-ugwaljanza huwa żgħir ħafna meta mqabbel mal-esperjenzi u mal-inċidenti ta’ diskriminazzjoni u vittimizzazzjoni perċeputi kif irreġistrati minn stħarriġ differenti. In-nuqqas ta’ rappurtar (5) huwa tħassib serju u jista’ jkun marbut ma’ nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet u ma’ nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet, speċjalment fost in-nisa u t-tfal migranti.

4.   Intejbu l-integrazzjoni

4.1.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni hija proċess dinamiku, fit-tul u kontinwu fiż-żewġ direzzjonijiet li jinvolvi kemm lill-migranti kif ukoll lis-soċjetà ospitanti. Hija sfida li l-Unjoni impenjat ruħha li tindirizza, u l-integrazzjoni effettiva għandha għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u fiskali potenzjali għall-pajjiżi fejn il-migranti jissetiljaw, iżda n-numru ta’ azzjonijiet adegwati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali huwa baxx meta mqabbel mal-kumplessità tal-isfida.

4.2.

Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod sproporzjonat lill-komunitajiet vulnerabbli, speċjalment lill-migranti u lin-nisa migranti b’mod partikolari (6). L-impatt jinkludi s-saħħa fiżika u mentali, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi, żieda possibbli fid-diskriminazzjoni u r-razziżmu, u l-impatt tal-għeluq fiżiku tal-iskejjel fuq it-tfal migranti u l-ġenituri tagħhom. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex, fl-iżvilupp tal-Inizjattiva l-ġdida tagħha dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni, tqis il-lezzjonijiet mitgħallma minn din il-kriżi u turi l-aħjar approċċi li ttieħdu fl-Istati Membri. Fid-dawl ta’ din il-kriżi, il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ mingħajr ħlas dwar l-użu tal-apparati diġitali, il-ġestjoni tad-dokumenti, it-tfittxija għax-xogħol u x-xogħol mill-bogħod u jipprovdu aċċess għall-appoġġ għall-kriżi u pariri legali għal persuni b’diffikultajiet ekonomiċi u/jew li jinsabu fir-riskju tal-esklużjoni soċjali (7).

4.3.

Il-KESE jemmen f’approċċ olistiku fl-indirizzar tal-isfidi tal-migrazzjoni. L-Inizjattiva tal-ġejjieni għandha għalhekk tinkludi politiki dwar id-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u tax-xogħol, l-edukazzjoni, il-kultura, il-ġustizzja, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

4.4.

Il-KESE għal darb’oħra jikkundanna l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa u jħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom (8) u jitlob lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li n-nisa migranti li jkunu vittmi tal-vjolenza jkollhom l-istess aċċess bħan-nisa nattivi għal servizzi, appoġġ u faċilitajiet adatti. Il-vittmi immigranti ta’ vjolenza domestika għandhom ikunu jistgħu japplikaw b’mod kunfidenzjali għal status ta’ immigrazzjoni legali b’mod indipendenti minn min iwettaq ir-reat (9).

4.5.

In-nisa migranti ħafna drabi jkunu kkwalifikati żżejjed għall-impjiegi disponibbli, ikunu qiegħda u jiffaċċjaw ir-riskju li l-ħiliet tagħhom jonqsu fil-valur (10). Il-KESE għal darb’oħra jħeġġeġ l-istabbiliment ta’ sistemi aħjar għall-valutazzjoni tal-kredenzjali edukattivil-provvediment ta’ programmi ta’ appoġġ speċifiċi għall-ġeneru li jistgħu jiffaċilitaw id-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol (bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal) biex dawn il-kwistjonijiet jibdew jiġu indirizzati (11).

4.6.

Il-Kumitat jenfasizza li l-migranti nisa mhumiex grupp omoġenju, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-ħiliet u l-kwalifiki (12); x’aktarx li jkunu anqas u/jew aktar ikkwalifikati għall-impjieg tagħhom u hemm anqas probabbiltà li jkunu f’impjieg (13). Għalhekk, il-miżuri ta’ integrazzjoni, il-politiki u l-programmi attivi tas-suq tax-xogħol u l-proġetti tal-ekonomija soċjali għandhom jinkludu korsijiet tal-lingwa, valutazzjoni tal-ħiliet u taħriġ vokazzjonali (14).

4.7.

Il-ħaddiema domestiċi migranti saru pilastru ewlieni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, speċjalment fil-qasam tal-kura fit-tul tal-anzjani, u n-nisa migranti fis-settur tax-xogħol domestiku ħafna drabi jintlaqtu ħażin (15). Dan is-settur għad għandu irregolarità totali jew parzjali fl-impjieg, u livelli ta’ pagi baxxi; il-ħaddiema domestiċi għandhom livell aktar baxx ta’ protezzjoni tax-xogħol u/jew legali kontra l-qgħad, il-korrimenti okkupazzjonali jew id-diżabilità, kif ukoll fil-każijiet tal-maternità, u ħafna drabi jbatu minn iżolament soċjali u esklużjoni, speċjalment fil-każ ta’ impjieg “live-in”, fejn il-ħaddiema jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu (16). Il-KESE jappella għal azzjoni urġenti biex jiġi żgurat approċċ integrat li jkollu l-għan li jarmonizza l-governanza f’diversi livelli tal-politiki soċjali u tal-impjieg li jaffettwaw ix-xogħol domestiku fl-UE, u jeħtieġ li jikkunsidra l-intersezzjonijiet tal-politiki tal-kura, l-impjiegi u l-migrazzjoni, u kif jaffettwaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema domestiċi migranti.

4.8.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna drabi n-nisa migranti jkollhom jgħixu f’iżolament u jsiru vittmi vulnerabbli ta’ solitudni u vjolenza. Fl-istess ħin, jekk jaħdmu, spiss jitħaddmu żżejjed u barra minn hekk ikollhom jagħmlu x-xogħol kollu tad-dar. Minħabba li kwistjonijiet bħal dawn huma indirizzati mill-politiki, mill-miżuri u mill-għodod tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, huwa kruċjali li jiġi garantit aċċess ugwali għan-nisa migranti għal dawn l-għodod u li jiġi żgurat li dawn ikunu emanċipati daqs in-nisa nattivi. Jeħtieġ li jiġu żviluppati attivitajiet aktar sistematiċi ta’ sensibilizzazzjoni u għarfien biex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati jkunu konxji tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u biex tinbena l-fiduċja tagħhom – u jiżdiedu il-kapaċitajiet – fl-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi biex jipproteġuhom.

4.9.

Il-KESE jemmen li fil-kuntest tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha rwol ugwalment importanti daqs fil-bqija tas-soċjetà Ewropea, peress li tinkludi sett ta’ drittijiet fundamentali (jiġifieri t-tolleranza, l-ugwaljanza, il-libertajiet tal-espressjoni, il-fehmiet u r-reliġjon, eċċ.) li jistgħu ma jkunux kulturalment familjari għar-refuġjati u migranti oħrajn li ġejjin minn kulturi u kuntesti kompletament differenti. Għalhekk għandha ssir wieħed mill-pilastri ewlenin għall-integrazzjoni permezz ta’ politiki mfassla b’mod olistiku, mudelli u azzjonijiet ta’ integrazzjoni.

4.10.

Il-KESE jinnota li l-involviment tal-familji migranti u l-ġenituri fil-komunitajiet lokali u tal-iskejjel għandu jibda matul l-istadji bikrin tal-akkoljenza, biex jiġu evitati l-marġinalizzazzjoni u l-aljenazzjoni konsegwenti tat-tfal u ż-żgħażagħ li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni Appoġġ bħal dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-akkwist bikri tal-lingwa nattiva.

4.11.

Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa komunikazzjoni u koordinazzjoni aħjar u aktar effiċjenti mal-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil ta’ politiki ta’ integrazzjoni olistiċi, kif ukoll fil-pubblikazzjoni ta’ rapporti komparattivi dwar l-implimentazzjoni tagħhom u fil-promozzjoni attiva tal-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba. Fl-istess ħin, huwa f’idejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jżommu l-valuri Ewropej u jinfurzaw il-leġislazzjoni applikabbli f’każijiet fejn l-Istati Membri ma jikkonformawx mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem, japplikaw trattament inuman lejn migranti u/jew jiddiskriminaw kontrihom.

4.12.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi firxa ta’ miżuri u għodod li jappoġġjaw lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tagħhom, kif ukoll lill-imsieħba soċjali u lill-NGOs, u inizjattivi individwali fil-ġlieda kontra l-ostilità kontra l-migranti u l-migrazzjoni b’mod ġenerali u l-kampanji ta’ informazzjoni żbaljati kontra l-migrazzjoni, billi jintwerew il-benefiċċji u l-potenzjal li jġibu l-migranti fis-soċjetajiet tagħna.

4.13.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat ġbir ta’ data dwar il-migrazzjoni li tkun adegwata u komparabbli fil-livell tal-UE, nazzjonali u, b’mod speċjali, dak lokali, inkluża, iżda mhux limitata għal, data diżaggregata skont is-sess, l-età, l-etniċità u l-istatus tal-migrazzjoni, it-tul tal-impjieg, l-iskala tas-salarji u l-progress fil-karriera, sabiex jiġi żgurat tfassil adegwat ta’ politika bbażat fuq l-evidenza.

5.   Taħriġ lingwistiku

5.1.

Il-KESE jemmen li t-taħriġ fil-lingwi m’għandux ikun għan waħdieni – jekk it-taħriġ fil-lingwi jiġi marbut mal-esplorazzjoni kulturali u l-involviment tal-komunità u tas-soċjetà jiżgura proċess ta’ integrazzjoni li jkun aktar ta’ suċċess.

5.2.

Sfortunatament, huma biss ftit l-Istati Membri li jsegwu approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet għat-tagħlim tal-lingwi billi jiftħu korsijiet għar-residenti kollha bi profiċjenza limitata fil-lingwi. Diversi Stati Membri jipprovdu aċċess għal dawn il-korsijiet għall-benefiċjarji tal-protezzjoni umanitarja biss. Il-programmi tat-tagħlim tal-lingwi rarament ikunu marbuta mal-impjieg, u korsijiet ta’ taħriġ tal-lingwi speċifiċi għall-impjieg u ta’ livell ogħla huma rari. F’oħrajn, il-migranti jeħtieġu li jħallsu għall-korsijiet minn qabel u jitħallsu lura biss jekk jgħaddu mill-eżamijiet finali. Barra minn hekk, jeżistu differenzi kbar mhux biss fl-approċċ u l-kwalità tat-tagħlim tal-lingwi, iżda wkoll fl-impenn tal-migranti nfushom (17).

5.3.

Għalhekk, il-KESE jemmen li huwa importanti li jkun hemm linji gwida komuni tal-UE għat-taħriġ tal-lingwi biex jiġi żgurat approċċ unifikat u olistiku, mhux biss billi jiġu riflessi l-ħtiġijiet u l-livelli differenti ta’ studenti, iżda wkoll ir-rekwiżiti tal-kwalifiki għall-għalliema.

5.4.

Barra minn hekk, in-nisa b’responsabbiltajiet ta’ kura jsibuha partikolarment diffiċli li jkollhom aċċess għal korsijiet tal-lingwa minħabba l-iskeda u l-kundizzjonijiet tagħhom (spejjeż/post) (18). Huwa kruċjali li wieħed jinnota li l-migranti nisa b’mod partikolari għandhom jirċievu attenzjoni addizzjonali minħabba lakuni partikolarment kbar fl-edukazzjoni tal-lingwi minħabba limitazzjonijiet għan-nisa biex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni ġenerali f’xi wħud mill-pajjiżi ta’ oriġini. Pereżempju, in-nisa migranti għandhom jiġu offruti l-indukrar tat-tfal waqt li jkunu qed jattendu l-klassijiet tal-lingwa, u t-tfal żgħar tagħhom ikunu jistgħu jattendu klassijiet tat-tagħlim tal-lingwa u tal-logħob, li wrew li huma effettivi ħafna kemm għat-tagħlim tal-lingwa kif ukoll għal skopijiet ta’ integrazzjoni.

5.5.

Il-KESE jemmen li huwa wkoll f’idejn il-migranti li jiddeċiedu għalihom infushom u għall-familji u t-tfal tagħhom liema mill-istrateġiji tat-tagħlim tal-lingwi huma l-aktar adatti għall-għanijiet tagħhom fil-ħajja. Il-fatt li l-migranti jkunu jixtiequ jagħżlu fost it-tipi differenti ta’ adattamenti jimplika li jeħtieġ li jsiru arranġamenti biex jinstemgħu l-fehmiet tal-migranti u biex jitfasslu u jiġu ġestiti korsijiet imfassla apposta. Huwa kruċjali li t-taħriġ fil-lingwi jinkludi l-gwida, l-informazzjoni u l-ispjegazzjoni tal-għanijiet u l-benefiċċji tat-taħriġ fil-lingwa għal ħajjithom, u b’hekk il-migranti nfushom jiġu mħeġġa jkunu aktar attivi u involuti fil-proċess.

5.6.

Il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju li jiġi investigat aktar jekk il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi jistax jintuża biex jiġi ssemplifikat il-proċess tat-taħriġ tal-lingwi għall-migranti u biex jiġi żgurat approċċ aktar imfassal apposta, peress li jista’ mhux biss itaffi l-proċess ta’ organizzazzjoni, iżda jista’ jistabbilixxi wkoll aspettattivi ċari għall-istudenti.

5.7.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-interpreti għandhom impatt kbir fuq is-servizzi u fuq ir-riżultati tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-individwu. Madankollu, il-kwalifiki tal-interpreti mhux bilfors jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tal-migranti, u dan spiss ipoġġi lin-nisa f’pożizzjoni żvantaġġata. Għaldaqstant, it-taħriġ għall-interpreti għandu jiġi ssemplifikat u għandu jwassal għal ċertifikazzjoni fil-livell Ewropew. Għandha tiġi stabbilita kollaborazzjoni mal-universitajiet fl-UE kollha li joffru programmi ta’ studju fl-Interpretazzjoni fis-Servizz Pubbliku.

5.8.

Il-KESE jemmen li l-ħiliet lingwistiċi, l-impjieg u l-kwalità ta’ dan l-impjieg huma interrelatati u li għalhekk aktar kemm ikunu tajbin il-ħiliet lingwistiċi, aktar huwa probabbli li persuna ġdida ser ikollha aċċess għal impjiegi tajbin u opportunitajiet edukattivi, u tkun tista’ tintegra aħjar fis-soċjetà inġenerali. Il-benefiċċji mit-tagħlim tal-lingwa tal-komunità ospitanti huma ħafna: minn aċċess akbar u aħjar għas-suq tax-xogħol, sar-rikonoxximent ta’ appartenenza mill-bqija tal-komunità u sensazzjoni ta’ appartenenza għall-migranti nfushom. B’hekk l-aspetti l-aktar importanti għat-tagħlim tal-lingwi huma: l-użu ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja biex dan jingħata, u li jkun aċċessibbli, konvenjenti u mfassal apposta. L-esperjenzi li ksibna mill-kriżi tal-COVID-19 jgħallmuna li għandu jkun hemm aktar investiment f’għodod diġitali sabiex il-migranti jkunu jistgħu jattendu klassijiet online.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Aktar fuq: https://ec.europa.eu/migrant-integration/feature/what-measures-are-in-place-to-ensure-the-long-term-integration-of-migrants-and-refugees-in-europe

(2)  Together in the EU: Promoting the participation of migrants and their descendants (Flimkien fl-UE: Nippromovu l-parteċipazzjoni tal-migranti u tad-dixxendenti tagħhom), Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2017 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Opinjoni SOC/634 – Il-protezzjoni ta’ minorenni migranti mhux akkumpanjati fl-Ewropa, KESE (prevista għas-sessjoni plenarja tas-16-18 ta’ Settembru 2020).

(4)  Rabtiet bejn il-migrazzjoni u d-diskriminazzjoni – Analiżi legali tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri tal-UE, in-network Ewropew ta’ esperti legali fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, id-DĠ Ġustizzja u Konsumaturi tal-Kummissjoni Ewropea, 2016.

(5)  Li tkun ta’ Karnaġġjon Skur fl-UE – Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2018.

(6)  Is-sit web Ewropew għall-integrazzjoni isegwi kontinwament l-impatt tal-COVID-19 fuq il-komunitajiet migranti f’għadd ta’ oqsma ewlenin ta’ integrazzjoni fl-UE (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Manifesto on Digital Inclusion, European Network of Migrant Women, 16 June 2020. (Manifest dwar l-Inklużjoni Diġitali, Network Ewropew tan-Nisa Migranti, 16 ta’ Ġunju 2020 – mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3.

(9)  Handbook for Legislation on Violence against Women (Manwal għal-leġislazzjoni dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa), DEW/DESA, in-Nazzjonijiet Uniti, 2009 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Harnessing Knowledge on the Migration of Highly Skilled Women (Nutilizzaw l-Għarfien dwar il-Migrazzjoni tan-Nisa b’Livell Għoli ta’ Ħiliet), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, 2014 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9.

(12)  The New EU Migration Pact in Progress: Recalling Legal Obligations, European Network of Migrant Women, 2020 (Il-Patt il-Ġdid tal-UE dwar il-Migrazzjoni li għaddej bħalissa: Infakkru l-Obbligi Legali, in-Network Ewropew tan-Nisa Migranti, 2020 – mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Is-sit web Ewropew dwar l-Integrazzjoni, l-integrazzjoni tan-nisa migranti, 12/11/2018, https://ec.europa.eu/migrant-integration/feature/integration-of-migrant-women.

(14)  Punt 4.16 tal-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 283, 10.8.2018, p. 1.

(15)  Out of sight: migrant women exploited in domestic work (‘Il bogħod mill-għajn: in-nisa migranti sfruttati fix-xogħol domestiku), Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(16)  International migration paper No. 115 (Dokument dwar il-migrazzjoni internazzjonali Nru 115), Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2013 (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/201915_early_language_support_wider_dissemination.pdf.

(18)  Opinjoni, ĠU C 242, 23.7.2015, p. 9.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ġestjoni tad-diversità fl-Istati Membri tal-UE”

(opinjoni esploratorja)

(2021/C 10/02)

Relaturi:

Adam ROGALEWSKI

Carlos Manuel TRINDADE

Talba mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill

Ittra, 18.2.2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni tal-plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

237/4/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din l-Opinjoni ntalbet mill-Presidenza Ġermaniża u tiffoka fuq il-ġestjoni tad-diversità fir-rigward tal-migranti u l-minoranzi etniċi fis-soċjetà u fuq il-post tax-xogħol. L-istudji tal-każijiet ta’ erba’ pajjiżi tal-UE li jirrappreżentaw erba’ reġjuni ġeografiċi huma eżaminati f’din l-Opinjoni: L-Ewropa tat-Tramuntana (il-Finlandja), l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (KEE) (il-Polonja), l-Ewropa tal-Punent (Franza) u n-Nofsinhar tal-Ewropa (l-Italja).

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jitlob li jintuża approċċ olistiku fil-politiki tal-ġestjoni tad-diversità. Politiki bħal dawn jeħtieġ li jiffokaw fuq l-aspetti kollha tax-xogħol u l-ħajja ta’ kuljum tal-gruppi inkwistjoni, inkluż f’termini ta’ postijiet tax-xogħol, edukazzjoni, servizzi pubbliċi, komunitajiet lokali u drittijiet soċjali.

1.3.

Il-ġestjoni tad-diversità għandha tqis l-eteroġeneità u l-identitajiet multipli. Il-migranti u l-minoranzi etniċi mhumiex grupp omoġenju, u r-rikonoxximent tal-intersezzjonalità huwa kruċjali għall-iżvilupp ta’ politiki ta’ diversità li jirnexxu.

1.4.

L-indirizzar tar-razziżmu strutturali fl-istituzzjonijiet kollha jirrikjedi ġustizzja soċjali għall-minoranzi etniċi u l-migranti. Għal dan il-għan, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi legali u politiċi tagħhom biex jindirizzaw ir-razziżmu u l-ksenofobija. L-avvenimenti globali reċenti juru l-urġenza. Il-COVID-19 qed taggrava r-razziżmu strutturali fl-Ewropa. Il-minoranzi etniċi u l-migranti mhux biss jiffaċċjaw espożizzjoni akbar għall-marda, iżda huma f’riskju akbar ta’ inugwaljanzi assoċjati, u x’aktarx li jkunu inqas appoġġjati. Madwar l-Ewropa, il-protesti ta’ Black Lives Matter wara l-qtil ta’ George Floyd fl-Istati Uniti jiżvelaw li r-razziżmu u l-ksenofobija istituzzjonali għadhom inkorporati fis-soċjetajiet Ewropej tagħna.

1.5.

Il-migranti u l-minoranzi etniċi huma, f’ħafna każi, fuq quddiem nett fl-indirizzar tal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, filwaqt li jiffaċċjaw ir-riskji b’mod sproporzjonat. Il-kontribut tagħhom għandu jiġi rikonoxxut, u l-istrateġija tad-diversità għandu jkollha rwol importanti f’dan ir-rigward. Ir-rikonoxximent tal-kontribut tagħhom għandu jinkludi l-provvista ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità, pagi ġusti u protezzjoni soċjali. Il-migranti għandu jkollhom aċċess għall-istess standards ta’ akkomodazzjoni ta’ kwalità, edukazzjoni u saħħa bħal dawk disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, għandhom jiġu implimentati politiki għall-protezzjoni tal-migranti mingħajr dokumenti, bil-parteċipazzjoni u l-approvazzjoni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.6.

L-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw b’mod proattiv aktar fondi għall-ġestjoni tad-diversità għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, il-ġustizzja soċjali, id-drittijiet fundamentali u l-ekonomija. Il-pandemija u l-kriżi ekonomika tal-COVID-19 m’għandhomx jitħallew inaqqsu l-infiq jew il-kapaċità tal-Istati Membri f’dak il-qasam. B’mod partikolari, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw fondi adegwati u fit-tul għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ diversità. Wieħed minnhom għandu jkun il-fond il-ġdid FSE+.

1.7.

Il-politiki tad-diversità għandhom jindirizzaw in-nuqqas ta’ użu tal-ħiliet. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki, u speċjalment fis-setturi tas-saħħa u tal-kura fit-tul (1). It-titjib fil-kwalifiki u l-proċessi ta’ rikonoxximent ta’ tagħlim preċedenti għandhom isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Unesco, li tħeġġeġ oqfsa koerenti, trasparenti u flessibbli mmirati lejn il-migranti u r-refuġjati (2).

1.8.

Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tas-servizzi pubbliċi u l-finanzjament adegwat tagħhom għall-protezzjoni tad-diversità.

1.9.

Il-Kumitat jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ dwar l-edukazzjoni bla ħlas u universali inklużi korsijiet tal-lingwa biex il-migranti jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol.

1.10.

Il-KESE jitlob li l-ġestjoni tad-diversità tiġi integrata f’oqsma ta’ politika differenti tal-UE u tiġi inkorporata fir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, billi jitqies jekk il-kumpaniji għandhomx politiki ta’ diversità bħala kriterju għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

1.11.

Il-KESE jissottolinja r-rwol kruċjali tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-ġestjoni tad-diversità. Ir-riċerka u l-istudji tal-każijiet ippreżentati juru li n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali huma essenzjali u li postijiet tax-xogħol bi preżenza ta’ trade union għandhom tendenza akbar li jkollhom fis-seħħ politiki tal-inklużjoni u prattiki aħjar kontra d-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi għandhom rwol importanti fl-għoti tas-setgħa lill-ħaddiema migranti u lill-intraprendituri fi ħdan l-istrutturi tagħhom permezz ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ speċjali.

1.12.

Il-KESE jissottolinja r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gruppi ta’ appoġġ li jiffokaw fuq id-drittijiet tal-migranti u l-minoranzi etniċi. L-organizzazzjonijiet immexxija mill-migranti jappellaw b’mod espliċitu għal djalogu strutturat u parteċipazzjoni sinifikanti fl-istadji kollha tal-migrazzjoni tal-ħaddiema u l-politika tal-impjiegi li jolqtu lill-ħaddiema migranti u dawk ta’ minoranzi etniċi. Sabiex il-ġestjoni tad-diversità tkun relevanti, il-partijiet interessati kollha għandhom jiġu inklużi fid-djalogu soċjali u ċivili.

1.13.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-impjegaturi biex jiżviluppaw strateġiji ta’ ġestjoni tad-diversità b’saħħithom b’kollaborazzjoni mat-trade unions li jmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) u permezz ta’ monitoraġġ adatt sabiex issir bidla. B’mod partikolari, l-impjegaturi għandhom jiġu megħjuna biex jagħmlu użu mill-għodod u l-metodoloġiji eżistenti, bħal dawk żviluppati min-Network Ewropew kontra r-Razziżmu (ENAR). L-impjegaturi għandu jkollhom l-għan li japplikaw politiki tad-diversità tul il-katina kollha tal-provvista.

1.14.

Biex jiżviluppaw strateġiji komprensivi li jindirizzaw ir-razziżmu sistemiku u jippromovu d-diversità, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu, kif propost mill-Konferenza Dinjija tan-NU Kontra r-Razziżmu li saret fl-Afrika t’Isfel fl-2018 (3).

1.15.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa b’mod urġenti pjan ġdid dwar l-inklużjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, billi dak preċedenti skada fl-2018. Barra minn hekk, fil-Patt propost dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni għandha tiġi inkorporata azzjoni pożittiva biex tissaħħaħ l-inklużjoni tal-migranti.

1.16.

Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li jittejbu l-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-politiki tad-diversità fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE. Mingħajr ġbir imtejjeb tad-data, mhux se nkunu nistgħu nissorveljaw u ntejbu l-istrateġiji rilevanti. Għal dan il-għan, il-KESE jistieden lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jaħdmu flimkien biex jippromovu l-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ta’ minoranzi etniċi u dawk migranti fis-suq tax-xogħol.

1.17.

L-inklużjoni u d-diversità huma essenzjali għad-demokrazija. Il-postijiet tax-xogħol u s-soċjetajiet tagħna jsiru aktar demokratiċi meta l-minoranzi etniċi u l-migranti jipparteċipaw fis-soċjetà ċivili, fit-trade unions u fil-proċessi demokratiċi formali bħall-elezzjonijiet. Sabiex tiġi promossa ċittadinanza attiva, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-migranti biex jipparteċipaw b’mod attiv mhux biss fis-suq tax-xogħol iżda wkoll fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet bħall-politika. Biex tiġi promossa d-diversità fis-soċjetajiet tagħna, huwa importanti li l-migranti jingħataw id-dritt għall-vot sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet lokali fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini tal-UE u jkunu rappreżentanti tal-komunitajiet lokali.

1.18.

L-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-KESE, għandhom imexxu bl-eżempju fil-ġestjoni tad-diversità, inkluż billi jżidu l-għadd ta’ membri u persunal minn sfondi ta’ minoranza etnika (4). Eżempju tajjeb huwa l-Opinjoni tal-Kumitat dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (5), li rriżultat fit-twaqqif ta’ grupp intern dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Għall-fini ta’ din l-Opinjoni, “migranti” tirreferi għal persuni li twieldu f’pajjiżi oħra minbarra dak li jgħixu fih bħalissa, inklużi ċittadini Ewropej u ċittadini ta’ pajjiżi terzi. “Minoranzi etniċi” tirreferi għal persuni bi sfondi ta’ minoranza razzjali, etnika jew reliġjuża mwielda fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. L-Opinjoni tuża t-terminu aktar pożittiv “inklużjoni” minflok “integrazzjoni”, li jintuża wkoll b’mod komuni fid-diskors dwar id-diversità.

2.2.

Ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni jistgħu jkunu individwali, filwaqt li jinvolvu atti bħal trattament mhux ugwali, fastidju jew reat ta’ mibegħda. Jistgħu jkunu wkoll strutturali, u jinvolvu diskriminazzjoni istituzzjonali, permezz ta’ inugwaljanza fis-suq tax-xogħol, jew esklużjoni ta’ drittijiet soċjali li jirriżultaw minn status ta’ impjieg jew ta’ migrazzjoni irregolari (6). Għaldaqstant, il-politiki tad-diversità għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-“gruppi diskriminati abbażi tar-razza” – komunitajiet marġinalizzati li jiffaċċjaw razziżmu strutturali jew istituzzjonali, diskriminazzjoni jew tfassil ta’ profili bħala konsegwenza tal-appartenenza għal ċerti gruppi etniċi jew reliġjużi.

2.3.

Bħala l-aħjar prattika, il-ġestjoni tad-diversità fuq il-post tax-xogħol tinvolvi negozji li jaħdmu mat-trade unions permezz ta’ negozjar kollettiv – bl-appoġġ tal-NGOs u l-gvernijiet – biex jiżviluppaw b’mod konġunt strateġiji bil-għan li jtejbu l-inklużjoni tal-forza tax-xogħol u l-ugwaljanza. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji fl-Istati Membri b’livell baxx ta’ kopertura tan-negozjar kollettiv u lill-intrapriżi mikro u żgħar, li jimpjegaw ukoll ħafna migranti u minoranzi etniċi u li għandhom jiġu appoġġati, permezz tad-djalogu soċjali, biex jiżviluppaw politiki dwar id-diversità. Dan jeħtieġ valutazzjoni parteċipattiva tal-ostakli għad-diversità u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol u kif tiġi ġestita, immonitorjata u evalwata s-sitwazzjoni. L-istrateġiji jistgħu jinkludu l-indirizzar tal-istrutturi organizzattivi li għandhom impatti diskriminatorji (bħal prattiki ta’ reklutaġġ), l-iżgurar tad-diversità fl-istrutturi ta’ governanza u l-ġbir ta’ data biex jiġu rrappurtati r-riżultati relatati maż-żamma tal-persunal, il-progress fil-karriera u t-trattament ugwali. L-istrateġiji tal-ġestjoni tad-diversità jistgħu jinkludu wkoll ir-rieżami tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-mekkaniżmi interni tal-ilmenti, fejn il-ġestjoni f’konsultazzjoni mat-trade unions tistabbilixxi proċessi ċari dwar kif l-ilmenti jiġu investigati u kif jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi rrimedjat kwalunkwe ksur tad-drittijiet, filwaqt li l-ilmentaturi jiġu protetti minn ritaljazzjoni. L-attivitajiet jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ, it-twaqqif ta’ gruppi ta’ appoġġ u l-iżvilupp ta’ programmi ta’ mentoraġġ. Barra minn hekk, il-politiki tad-diversità jistgħu jinkoraġġixxu lill-minoranzi etniċi u lill-migranti biex jieħdu sehem f’korpi konsultattivi fuq il-post tax-xogħol bħall-kunsilli tal-post tax-xogħol.

2.4.

Għaddew 20 sena minn meta ġiet adottata d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE). Din id-Direttiva stabbiliet qafas Ewropew għall-promozzjoni tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika u stabbiliet azzjoni pożittiva (ġestjoni tad-diversità). Bl-istess mod, għaddew 20 sena mill-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ugwaljanza (2000/78/KE) biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn id-direttivi ma tipprevjeni speċifikament id-diskriminazzjoni strutturali fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż tal-oriġini, u bħala tali ma tipprovdix biżżejjed protezzjoni lill-migranti kontra d-diskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill m’adottax l-hekk imsejħa Direttiva Orizzontali maħsuba biex tipproteġi lin-nies minn diskriminazzjoni għal diversi raġunijiet kemm barra kif ukoll fuq il-post tax-xogħol.

2.5.

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza huma inklużi wkoll fit-Trattati tal-UE u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fl-2004, il-Kunsill adotta l-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta’ Integrazzjoni tal-Immigranti fl-UE. Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, id-Dikjarazzjoni ta’ Zaragoza adottata fl-2010 enfasizzat il-ħtieġa li tiġi żviluppata aġenda ġdida dwar l-integrazzjoni u stabbiliet sett ta’ indikaturi għall-analiżi u s-sorveljanza tal-integrazzjoni tal-migranti fl-Ewropa (7). Bħala riżultat ta’ dan il-proċess, ġiet stabbilita l-Websajt Ewropea dwar l-integrazzjoni (EWSI); din hija riżorsa ewlenija għar-riċerka komparattiva, il-monitoraġġ ta’ strateġiji ta’ integrazzjoni tal-migranti fil-livell tal-pajjiż u l-valutazzjoni tal-aħjar prattiki (8). In-Network Ewropew tal-Integrazzjoni (EIN) ġie stabbilit ukoll fil-proċess, u jiġbor flimkien rappreżentanti tal-ministeri responsabbli għall-integrazzjoni tal-migranti mill-pajjiżi kollha tal-UE, flimkien mal-Iżlanda u n-Norveġja, biex jikkonsultaw mal-Kummissjoni dwar il-politika tal-integrazzjoni (9).

2.6.

Fl-2010, il-Kummissjoni ħolqot il-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità (10), li tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet jiżviluppaw u jimplimentaw politiki tad-diversità u tal-inklużjoni u toffri post għall-iskambju u l-qsim tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki. Bħalissa hemm 24 Karta Ewropea dwar id-Diversità. Meta tiffirma karta, organizzazzjoni timpenja ruħha volontarjament li tippromovi d-diversità u l-opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol. Li wieħed isir firmatarju ta’ Karta dwar id-Diversità jipprovdi aċċess għal network wiesa’ bejn il-pari, pubblikazzjonijiet u għodod ta’ appoġġ għall-valutazzjoni komparattiva, il-kejl u l-monitoraġġ.

3.

Kummenti ġenerali

3.1.

Is-sitwazzjoni tal-migranti u l-minoranzi etniċi marret lura dan l-aħħar, u qed naraw aktar attakki fuq dawn il-gruppi u żieda fid-diskors ta’ mibegħda xprunati mir-razzisti u l-preġudizzji ksenofobiċi. L-UE għandha bżonn b’mod urġenti tagħmel aktar f’dan ir-rigward u metodu wieħed huwa l-promozzjoni tal-ġestjoni tad-diversità.

3.2.

Barra minn hekk, l-applikanti għall-ażil u l-flussi ta’ migrazzjoni ħolqu pressjoni fuq il-kapaċità tas-servizzi ta’ integrazzjoni fl-Istati Membri. Il-fondi tal-QFP li jmiss bħall-FSE+ għandu jkollhom kapaċità finanzjarja akbar biex jappoġġjaw il-politiki ta’ inklużjoni.

3.3.

Riċerka reċenti għall-Kummissjoni Ewropea sabet li, bħala medja fl-Istati Membri kollha, 13 % tal-ħaddiema fi “professjonijiet ewlenin” huma immigranti u li migranti mhux mill-UE huma rrappreżentati żżejjed f’impjiegi fis-servizzi essenzjali l-aktar esposti f’setturi bħall-kura tas-saħħa, l-ikel, id-distribuzzjoni u t-trasport (11). Evidenza reċenti miġbura mill-ENAR turi li l-kriżi kellha konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-minoranzi etniċi f’termini ta’ akkomodazzjoni, abbuż mill-pulizija, impjieg, kura tas-saħħa, diskors ta’ mibegħda u l-kapaċità tan-networks tas-soċjetà ċivili biex jappoġġjawhom (12). Il-migranti u l-minoranzi etniċi huma, f’ħafna każi, fuq quddiem nett fl-indirizzar tal-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, filwaqt li jiffaċċjaw ir-riskji b’mod sproporzjonat. Il-kontribut tagħhom għandu jiġi rikonoxxut, u l-istrateġija tad-diversità għandu jkollha rwol importanti f’dan ir-rigward. Ir-rikonoxximent tal-kontribut tagħhom għandu jinkludi l-provvista ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità, pagi ġusti u protezzjoni soċjali. Il-migranti għandu jkollhom aċċess għall-istess standards ta’ akkomodazzjoni ta’ kwalità, edukazzjoni u saħħa bħal dawk disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, għandhom jiġu implimentati politiki għall-protezzjoni tal-migranti mingħajr dokumenti, bil-parteċipazzjoni u l-approvazzjoni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.4.

Approċċ intersezzjonali huwa importanti għall-politiki tad-diversità. Il-minoranzi etniċi u l-migranti mhumiex grupp omoġenju. Ħafna huma nisa – il-migrazzjoni reċenti kienet femminili ħafna. Xi wħud huma żgħażagħ, għandhom sfond reliġjuż, għandhom diżabbiltà jew jappartjenu għall-komunità LGBTIQ+. Ħafna drabi, huma jesperjenzaw diversi forom ta’ diskriminazzjoni li jirriżultaw minn preġudizzji istituzzjonali u strutturali. Dan huwa speċjalment il-każ f’termini ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u segregazzjoni okkupazzjonali, marbuta pereżempju mal-istatus ta’ residenza tal-persuni, prattiki ta’ reklutaġġ u preġudizzji razzisti dwar persuni ta’ ċerti nazzjonalitajiet, sfondi reliġjużi jew etniċi.

3.5.

L-iżgurar ta’ aċċess universali għas-servizzi pubbliċi huwa parti ewlenija mill-inklużjoni. F’ħafna każijiet, il-migranti u l-komunitajiet ta’ minoranzi etniċi jibbenefikaw mis-servizzi tas-settur pubbliku. F’każijiet oħra, huma impjegati mis-settur pubbliku, li għandu responsabbiltajiet speċifiċi biex jippromwovi l-ugwaljanza. Madankollu, ħafna migranti, speċjalment l-applikanti għall-ażil u gruppi li huma diskriminati abbażi tar-razza jiffaċċjaw ukoll ostakli sinifikanti fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi. Minħabba l-privatizzazzjoni u n-nuqqas ġenerali ta’ investiment fis-servizzi pubbliċi, l-awtoritajiet jiffaċċjaw ukoll sfidi kbar biex jimplimentaw il-politiki tal-ugwaljanza.

3.6.

Ħafna migranti jagħmlu xogħol li jirrikjedi ħiliet jew kwalifiki f’livell aktar baxx minn tagħhom. Il-kawżi ta’ dan huma ta’ spiss strutturali, bħal meta l-edukazzjoni, il-kwalifiki u l-ħiliet miksuba barra mill-UE ma jiġux rikonoxxuti, u dan iwassal għal diskriminazzjoni fil-prattiki ta’ reklutaġġ u s-segmentazzjoni tal-impjiegi. In-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi ta’ spiss jitqies bħala ostaklu għall-impjieg, iżda l-vantaġġi tad-diversità kulturali u lingwistika li l-ħaddiema migranti jġibu magħhom fil-post tax-xogħol spiss jiġu injorati. Il-ġestjoni tad-diversità tista’ tgħin biex tindirizza din il-kwistjoni u, b’hekk, iżżid il-produttività ġenerali tal-forza tax-xogħol.

3.7.

Il-politiki tad-diversità għandhom jiġu implimentati mhux biss bħala strateġija tal-inklużjoni għall-grupp inkwistjoni iżda wkoll bħala għodda edukattiva għall-popolazzjoni tal-UE. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm fokus akbar fuq it-tagħlim għall-persuni akbar fl-età u għaż-żgħażagħ dwar id-diversità etnika u l-migrazzjoni, inkluż il-kontribut essenzjali li dawn jagħtu lill-kultura, lis-soċjetà u lill-ekonomija tagħna. Barra minn hekk, il-kurrikuli tal-iskejjel għandhom jiffokaw aktar fuq ir-razziżmu, inkluż ir-razziżmu strutturali. L-UE flimkien mal-Istati Membri, u bil-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet komunitarji, għandha tniedi kampanji ta’ informazzjoni biex tippromovi d-diversità u tindirizza r-razziżmu fil-livell Ewropew u nazzjonali.

3.8.

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti wkoll biex isaħħu l-inklużjoni tal-komunitajiet tal-migranti u tal-minoranzi etniċi. It-taħriġ jista’ jinkludi wkoll il-volontarjat jew l-istabbiliment ta’ diversi forom ta’ skemi ta’ mentoraġġ, bil-mentors ikunu ċittadini lokali jew il-migranti stess. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tas-sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa fost il-komunitajiet tal-migranti biex jipproteġu lilhom innifishom mill-pandemija.

3.9.

Ħafna msieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jimpenjaw ruħhom fil-ġestjoni tad-diversità fi ħdan l-istrutturi tagħhom stess, pereżempju permezz ta’ kumitati tal-migranti jew gruppi awtoorganizzati fi ħdan it-trade unions. Strutturi bħal dawn mhux biss jgħinu biex isaħħu l-attiviżmu tad-drittijiet ċivili iżda jgħinu wkoll fit-titjib tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali (13). Il-migranti li ma għandhom l-ebda dritt għall-vot ma jistgħux jipparteċipaw f’deċiżjonijiet demokratiċi fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom ħlief permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions.

3.10.

B’appoġġ adegwat, il-ħaddiema migranti mhux biss jikkontribwixxu għall-ekonomija iżda wkoll għall-ġustizzja soċjali. Eżempji ta’ trade unions li jorganizzaw il-ħaddiema migranti juru li dawn jistgħu jkunu aktar proattivi minn ħaddiema oħra biex jimmobilizzaw għall-ġustizzja soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal kulħadd (14).

3.11.

It-tagħlim tal-lingwi għandu rwol importanti fl-inklużjoni tal-migranti (15). Il-pajjiżi kollha jitolbu l-kompetenza lingwistika biex wieħed isir ċittadin, madankollu huma biss ftit dawk li jipprovdu korsijiet tal-lingwa bla ħlas (16). L-UE u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-klassijiet tal-lingwa bla ħlas għall-migranti li jkunu beħsiebhom isiru ċittadini.

3.12.

Il-ġestjoni tad-diversità xi drabi hija inkluża fil-politiki tas-CSR tal-impjegaturi u hija mħeġġa minn xi Stati Membri. Filwaqt li l-politiki tas-CSR jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw il-prinċipji tal-ġestjoni tad-diversità, ikun problematiku meta wieħed iserraħ fuqhom fin-nuqqas ta’ impenn mat-trade unions u s-soċjetà ċivili biex jimplimenta l-ġestjoni tad-diversità.

3.13.

Xi Stati Membri qed jitbiegħdu mill-istrateġiji tad-diversità. B’mod partikolari, il-pajjiżi tal-KEE qed jużaw mudell ta’ migrazzjoni ta’ ħaddiema barranin li prinċipalment jippermetti viżi għal soġġorni qosra għal ħaddiema barranin. Dan il-mudell mhux biss wera li kien ekonomikament ineffiċjenti, iżda approva wkoll id-diskriminazzjoni u l-ksenofobija (17).

3.14.

Hemm data limitata dwar l-isfond etniku u migratorju tal-ħaddiema fl-UE. Madankollu, din id-data hija kruċjali sabiex tiġi mmonitorjata u mtejba d-diversità fir-reklutaġġ, ix-xejriet fil-karrieri u ż-żamma tal-ħaddiema. Filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi li hemm xi tħassib li l-ġbir ta’ tali data fih innifsu jista’ jkun forma ta’ diskriminazzjoni, huwa jenfasizza li l-liġi tal-UE tippermetti l-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza fejn tali data tiġi pprovduta b’mod volontarju u skont l-istandards tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-kunfidenzjalità (18). Sabiex il-politiki tal-ugwaljanza jkunu effettivi, l-impjegaturi jeħtieġ li jsegwu approċċi tal-aħjar prattika għall-ġestjoni tad-diversità li jinkludu l-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza sabiex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Il-ġbir ta’ data personali sensittiva dwar l-etniċità, ir-reliġjon u l-isfond tal-migrazzjoni għandu jseħħ biss b’salvagwardji xierqa fis-seħħ, li jiżguraw il-kunsens infurmat, l-awtoidentifikazzjoni, il-parteċipazzjoni volontarja, ir-rispett tal-privatezza u l-kunfidenzjalità tad-data personali u f’konsultazzjoni ma’ gruppi f’riskju ta’ diskriminazzjoni. Diversi impjegaturi, kif ukoll ħafna trade unions u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, diġà jsegwu tali approċċ biex jippromovu l-inklużjoni u jtejbu d-diversità fil-forza tax-xogħol u s-sħubija tagħhom.

3.15.

Hija meħtieġa bidla fid-diskors dwar il-ġestjoni tad-diversità, b’mod partikolari fir-rigward tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Id-diversità għandha tkun investiment b’benefiċċji fit-tul u mhux titqies bħala piż amministrattiv għall-SMEs jew limitata għal kumpaniji multinazzjonali b’baġits kbar. Il-politiki tal-inklużjoni għandhom jiġu implimentati bil-parteċipazzjoni tat-trade unions mill-kumpaniji kollha, b’mod partikolari dawk li joperaw f’setturi bi proporzjon għoli ta’ ħaddiema migranti u dawk ta’ minoranzi etniċi bħal fis-setturi tal-catering, l-ospitalità u l-kostruzzjoni.

3.16.

Il-ġestjoni tad-diversità għandha tfisser mhux biss li jintlaħqu l-kwoti iżda li jitneħħew b’mod proattiv l-ostakli fuq il-post tax-xogħol li joħolqu inugwaljanza razzjali. Ir-razziżmu strutturali jirriżulta f’sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema li ġejjin minn sfondi ta’ minoranzi etniċi u migratorji huma impjegati sproporzjonalment f’impjiegi prekarji, aktar perikolużi, bi ħlas baxx u temporanji meta mqabbla ma’ ħaddiema b’karnaġġjon ċar. Huwa diffiċli li wieħed isegwi legalment każijiet ta’ diskriminazzjoni razzjali indiretta u huwa saħansitra aktar diffiċli li wieħed iressaq provi ta’ razziżmu istituzzjonali. Meta jittieħdu bis-serjetà, l-istrateġiji tal-ġestjoni tad-diversità jistgħu jkunu għodda effettiva biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq sfondi ta’ razza u ta’ migrazzjoni.

4.   Tqabbil ta’ strateġiji ta’ ġestjoni tad-diversità f’erba’ pajjiżi

4.1.

Hemm differenzi sinifikanti bejn Franza, l-Italja, il-Finlandja u l-Polonja f’termini tax-xejriet ta’ migrazzjoni, tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-istatus ta’ minoranzi etniċi. Madankollu, l-erba’ pajjiżi kollha qed jiffaċċjaw sfidi komuni rigward id-diskriminazzjoni strutturali.

4.2.

Fattur komuni fl-erba’ pajjiżi kollha huwa s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, fejn il-ħaddiema migranti jinsabu kkonċentrati f’impjiegi bi ħlas baxx u prekarji. L-Italja għandha l-aktar sitwazzjoni estrema, segwita minn Franza. Il-Polonja tinsab ukoll riesaq f’din id-direzzjoni. F’dawn il-pajjiżi, is-soċjetà ċivili qed titlob ir-regolarizzazzjoni tal-istatus tal-migranti. Fil-Finlandja, hemm evidenza ta’ differenza kbira fil-pagi bejn il-migranti u l-Finlandiżi b’karnaġġjon ċar, iżda d-data ġejja minn qabel l-Att dwar in-Nondiskriminazzjoni adottat fl-2014.

4.3.

L-intersezzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru mal-isfond ta’ migrazzjoni tan-nisa toħroġ bħala tema b’saħħitha fil-pajjiżi kollha, b’evidenza li tindika li n-nisa b’karnaġġjon skur jesperjenzaw l-ogħla rati ta’ diskriminazzjoni fl-impjiegi, meta mqabbla mal-Ewropej b’karnaġġjon ċar kif ukoll l-irġiel tal-istess gruppi etniċi.

4.4.

Hemm livelli differenti ta’ attività governattiva, tal-impjegaturi u tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-ġestjoni tad-diversità. Il-Karti dwar id-Diversità huma attivi fl-erba’ pajjiżi kollha, bħala parti mill-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità. Fl-2015 Franza adottat pjan nazzjonali kontra r-razziżmu li jippromovi d-djalogu soċjali. Madankollu, il-Finlandja qed issegwi approċċ regolatorju b’saħħtu li jistabbilixxi d-diskriminazzjoni bħala reat taħt il-kodiċi penali u jistabbilixxi obbligu legali għal impjegaturi b’aktar minn 30 impjegat biex jiżviluppaw pjani għall-promozzjoni tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.

4.5.

Il-marġinalizzazzjoni tar-Rom u tas-Sinti hija kwistjoni komuni fl-erba’ pajjiżi kollha – il-grupp li qed jiffaċċja l-ogħla livelli ta’ diskriminazzjoni fl-impjiegi.

4.6.

L-Italja, bħala parti minn programm ta’ riċerka mal-Belġju u l-Iżvezja organizzat permezz tal-Karta tad-Diversità tagħha, qed taħdem ma’ impjegaturi u ma’ dawk li qed ifittxu impjieg u qed taqsam l-aħjar prattiki ta’ strateġiji għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

4.7.

Il-politiki ta’ inklużjoni tal-migrazzjoni fil-Polonja jiġu żviluppati b’mod awtonomu minn xi NGOs, komunitajiet lokali u organizzazzjonijiet ta’ msieħba soċjali. Minħabba l-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol, huwa diffiċli li l-inizjattivi eżistenti jilħqu lill-migranti u jipproteġu d-drittijiet tagħhom. Il-lingwa tidher li hija inqas problematika minħabba li l-maġġoranza tal-migranti huma mill-Ukrajna, li għandha lingwa simili għall-Pollakk.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 7.

(2)  GEM (2018), Policy Paper 37, UNESCO.

(3)  L-Iżvezja, in-Netherlands u Franza huma eżempji ta’ pajjiżi li dan l-aħħar adottaw politiki bħal dawn

(4)  Ara id-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen tas-17 ta’ Ġunju 2020.

(5)  ĠU C 240, 16.7.2019, p. 3.

(6)  ENAR, Shadow Report: Racism and Discrimination in Europe 2013-2017 [Rapport Parallel: Razziżmu u Diskriminazzjoni fl-Ewropa 2013-2017].

(7)  Konferenza Ministerjali Ewropea dwar l-Inklużjoni, 16/04/2010.

(8)  EWSI.

(9)  EIN.

(10)  Il-Kummissjoni Ewropea, Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità.

(11)  Fasani, F. & Mazza, J. (2020), Immigrant Key Workers: Their Contribution to Europe's COVID-19 Response [Ħaddiema Immigranti Ewlenin: Il-Kontribut tagħhom għar-Rispons tal-COVID-19 fl-Ewropa], Briefing Note JRC120537, Kummissjoni Ewropea.

(12)  ENAR (2020), Covid Impact Paper [Dokument dwar l-Impatt tal-Covid].

(13)  Rogalewski, A. (2018). Organising and mobilising Central and Eastern European migrant women working in care. [L-organizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni tan-nisa migranti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li jaħdmu fil-kura]. Transfer: European Review of Labour and Research, 24(4), 421–436.

(14)  Ibid.

(15)  Together in the EU – Promoting the participation of migrants and their descendants [Flimkien fl-UE – Nippromovu l-parteċipazzjoni tal-migranti u tad-dixxendenti tagħhom] (2017), European Union Agency for Fundamental Rights.

(16)  www.sirius-project.eu

(17)  Penninx, R., Roosblad, J. (eds) (2000) Trade Unions, Immigration and Immigrants in Europe, 1960–1993. A Comparative Study of the Attitudes and Actions of Trade Unions in Seven West European Countries. New York: Berghahn.

(18)  ENAR (2016), Equality Data Collection: Facts and Principles


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta’ dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri”

(opinjoni esploratorja)

(2021/C 10/03)

Relaturi:

Cinzia DEL RIO

Vladimíra DRBALOVÁ

René BLIJLEVENS

Talba tal-Presidenza Ġermaniża Presidenza tal-Kunsll

Ittra, 18.2.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

252/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Id-djalogu soċjali, fil-livell nazzjonali u Ewropew, għandu rwol ewlieni fit-tfassil tal-politiki ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali li jippromovu l-konverġenza ’l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Istati Membri. Il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla, l-ippjanar fit-tul, il-kapaċità għall-innovazzjoni u s-segwitu tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-governanza tajba tan-negozju u l-kooperazzjoni bbażata fuq il-fiduċja bejn l-imsieħba soċjali – sostnuti mill-informazzjoni tal-ħaddiema, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni – huma parti mill-istess qafas Ewropew biex ikun hemm rispons effettiv għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa, u anke biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

1.2

Id-djalogu soċjali evolva: l-ekonomiji globalizzati u interkonnessi li dejjem qed jikbru u l-proċessi tal-produzzjoni u l-impatt tal-kummerċ qed jimbuttaw lejn żieda fir-relazzjonijiet transnazzjonali ma’ intrapriżi multinazzjonali u ktajjen tal-provvista globali f’livelli differenti, li jeħtieġu approċċ komuni u koordinat fil-livell Ewropew.

1.3

Il-KESE jirrikonoxxi li djalogu soċjali effettiv għandu jinkludi: imsieħba soċjali rappreżentattivi u leġittimi bl-għarfien, il-kapaċità teknika u l-aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti għall-parteċipazzjoni; ir-rieda politika u l-impenn politiku li wieħed jidħol fi djalogu soċjali; ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, li għadhom fil-qalba tar-relazzjonijiet industrijali, u qafas legali u istituzzjonali li jippermetti l-appoġġ tal-proċessi ta’ djalogu soċjali ma’ istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb.

1.4

Id-djalogu soċjali Ewropew huwa komponent inaljenabbli tal-mudell soċjali Ewropew u huwa stipulat fit-Trattat, appoġġjat mil-leġiżlazzjoni tal-UE u rikonoxxut fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jisfruttaw il-potenzjal kollu li t-Trattat joffrilhom biex jipparteċipaw f’negozjati biex jindirizzaw is-suġġetti l-ġodda u l-bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol.

1.5

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jjanalizza modi ta’ kif jissaħħu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. L-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess tas-Semestru għandu jitqies bħala essenzjali biex jinkisbu riżultati effettivi, filwaqt li d-data turi li, f’ċerti pajjiżi, tali involviment huwa frammentat jew nieqes, minkejja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż diretti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tar-rwol importanti li se jkollu s-Semestru tal-UE bl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-programm Next Generation EU, il-KESE jitlob li jiġi introdott mekkaniżmu li jagħti lill-imsieħba soċjali d-dritt li jiġu kkonsultati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

1.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, bis-saħħa ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew tipprovdi, permezz ta’ inizjattivi Ewropej, kriterji ċari u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-imsieħba soċjali settorjali, kf previst fl-Artikolu 155(2) tat-TFUE.

1.7

It-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet preċedenti huma li: pajjiżi b’istituzzjonijiet ta’ djalogu soċjali stabbiliti sew u sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali huma aktar probabbli li jifformulaw reazzjonijiet tripartitiċi rapidi u effettivi. L-involviment fil-pront u effettiv tal-imsieħba soċjali u l-appoġġ tal-gvernijiet huma fatturi ewlenin fl-indirizzar tal-konsegwenzi immedjati tal-kriżi, flimkien mal-ippjanar ta’ rkupru fit-tul biex jiġi protett u promoss l-impjieg permezz ta’ intrapriżi sostenibbli u investimenti soċjali.

1.8

Il-kopertura u l-proċessi tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha għandhom jingħataw prijorità. L-inklużività tal-grupp ta’ ħaddiema u ċittadini vulnerabbli fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandha tkun prijorità għall-politika pubblika.

1.9

Governanza korporattiva tajba bbażata fuq id-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tista’ tagħmilha possibbli li jinkisbu miri ekonomiċi pożittivi, flimkien mal-għanijiet soċjali u ambjentali. L-iffaċilitar ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali infurmati rigward kwistjonijiet li jolqtu b’mod dirett lill-ħaddiema jikkontribwixxi għal mudel kummerċjali iżjed sostenibbli u ġust. Dan jgħin biex jiġi promoss il-mudell soċjali Ewropew, li huwa xprun għall-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

1.10

Il-globalizzazzjoni u l-proċessi ta’ produzzjoni transnazzjonali li qed jikbru bidlu l-mod kif jiġu strutturati l-flussi tal-informazzjoni fil-kumpaniji. Id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni huma rikonoxxuti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u huma fundamentali għal djalogu soċjali effettiv; għandhom jittejbu l-kwalità u l-effettività tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet fil-proċessi transnazzjonali tar-ristrutturar; jeħtieġ li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet sabiex tissaħħaħ id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol u għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ infurzar, flimkien ma’ sanzjonijiet effettivi u proporzjonati. Il-KESE diġà talab qafas armonizzat fil-livell tal-UE rigward il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-bordijiet, filwaqt li jiġu rispettati d-differenzi nazzjonali u fil-livell tal-intrapriżi. Sfortunatament, il-Liġi Ewropea dwar il-Kumpaniji li ġiet approvata naqset milli tindirizza din il-proposta.

1.11

Il-KESE jinkoraġġixxi soluzzjonijiet flessibbli u mmirati lejn l-għanijiet, abbażi ta’ negozjati bejn ir-rappreżentati tal-impjegaturi u l-ħaddiema fil-livell adatt biex jiġu determinati l-arranġamenti speċifiċi għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, filwaqt li jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd u protezzjoni minima adegwata.

1.12

Il-KESE jitlob għal azzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-proċessi ta’ ristrutturar minħabba l-kriżi tal-COVID-19.

1.13

Fil-ġestjoni tal-kriżi ta’ wara l-pandemija, il-KESE jirrakkomanda il-qawwa: (i) l-involviment kif imiss tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru; (ii) kooperazzjoni aħjar bejn l-imsieħba soċjali u l-Kummissjoni Ewropea fl-iżgurar tal-użu konsistenti tar-riżorsi Ewropej; u (iii) li l-Kummissjoni tal-UE tmexxi ’l quddiem strument finanzjarju temporanju ġdid li jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet straordinarji li jeħtieġ li jsiru fil-fażi ta’ rkupru, kif propost b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali Ewropej.

2.   Djalogu soċjali: kif jista’ jiġi promoss u implimentat aktar

2.1

Il-Presidenza Ġermaniża talbet lill-KESE jiffoka din l-Opinjoni fuq kif il-kunċett tad-djalogu soċjali, b’mod partikolari l-forom tripartitiċi tad-djalogu soċjali, jista’ jmur lil hinn min-negozjar kollettiv. Id-djalogu tripartitiku – l-istess bħal dak bipartitiku – huwa strument ewlieni għall-governanza soda ta’ kwalunkwe proċess ta’ bidla.

2.2

Sabiex jiġi evalwat ir-rwol li d-djalogu soċjali u l-mudelli parteċipattivi jista’ jkollhom fl-avvanz ta’ konverġenza ekonomika u soċjali għall-aħjar u fi żminijiet ta’ kriżi, bħal-lum, biex jgħinu biex nirreaġixxu għall-impatt tal-COVID-19 fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna, huwa utli li titfakkar l-evoluzzjoni tal-kunċett tad-djalogu soċjali fil-livell internazzjonali u Ewropew.

2.3

Ir-rwol ta’ msieħba soċjali awtonomi u rappreżentattivi ġie rikonoxxut bis-sħiħ fil-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO mill-bidu nett, iżda r-rwol tad-djalogu soċjali fit-tfassil u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki soċjali u ekonomiċi evolva skont il-bidliet fis-soċjetajiet tagħna u fil-proċessi mgħaġġla tal-globalizzazzjoni. Il-ħtieġa li jiġu inklużi l-partijiet interessati kollha (1) fil-livell transnazzjonali, nazzjonali u lokali tinkoraġġixxi forom ġodda ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni fil-proċessi tat-tfassil tal-politika li jistgħu jseħħu f’livelli differenti, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, iżda wkoll skont l-iżviluppi reġjonali, bħall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

2.4

Skont id-definizzjoni tal-ILO (2), id-djalogu soċjali jinkludi t-tipi kollha ta’ negozjati, konsultazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bejn, jew fost, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mal-politika ekonomika, tax-xogħol jew soċjali. Jista’ jeżisti bħala proċess tripartitiku – bl-involviment dirett tal-gvern, bipartitiku – bejn ir-rappreżentanti tal-impjegaturi u tal-ħaddiema, jew aktar reċentement, fuq bażi transkonfinali (3) – li jimplika djalogu transnazzjonali soċjali fl-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) u fil-ktajjen tal-provvista globali fil-kuntest ta’ ekonomija globalizzata u interkonnessa li qed tikber.

2.5

Il-KESE jimpenja ruħu fil-ħidma li għaddejja li jindirizza l-ħtieġa għal approċċ konsistenti fil-livell tal-UE biex jiġu konnessi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-investimenti sostenibbli fl-operazzjonijiet tan-negozju fid-dinja u biex jindirizza l-impatt tar-relazzjonijiet transnazzjonali li qed jikbru mal-MNEs, li jinvolvu l-imsieħba soċjali. Dawn is-suġġetti huma partikolarment rilevanti f’għadd ta’ Opinjonijiet speċifiċi, bħal dawk dwar id-diliġenza dovuta u x-xogħol deċenti fil-katini tal-provvista globali, kif mitlub mill-KESE mill-Presidenza Ġermaniża u l-PE, wara d-diskussjonijiet imnedija fis-summits tal-G7 u l-G20 fl-2015 u l-2016. L-Unjoni Ewropea attrezzat ruħha b’qafas regolatorju ta’ standards ekonomiċi, soċjali u ambjentali bażiċi, li huma element ewlieni tal-kompetittività Ewropea.

2.6

L-isfida ewlenija, madankollu, hija li dan id-djalogu jiġi appoġġjat minn qafas istituzzjonali li jiggarantixxi proċess regolari ta’ djalogu u konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Sfortunatament, dan mhux il-każ fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja u f’diversi pajjiżi Ewropej, fejn id-djalogu soċjali huwa eżerċizzju okkażjonali u frammentat. Ir-rwol tal-Istat fil-mekkaniżmi tripartitiċi huwa kruċjali u ma jistax ikun passiv (4). Huwa responsabbli li joħloq kundizzjonijiet adatti u l-qafas legali u istituzzjonali għal tali konsultazzjoni u l-klima politika u ċivili li jippermettu lill-imsieħba soċjali rappreżentattivi u leġittimi li jipparteċipaw, u b’hekk jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom. Għall-kuntrarju, f’ċerti pajjiżi Ewropej, il-proċessi ta’ djalogu soċjali ddgħajfu u tnaqqret l-awtonomija tal-imsieħba soċjali (5).

2.7

Tkun utli azzjoni b’saħħitha u deċiżiva mill-UE biex tadotta approċċ aktar ta’ sostenn li jipprovdi qafas għall-prattiki ta’ konsultazzjoni (6).

2.8

Il-KESE jissorvelja regolarment l-iżvilupp, l-infurzar u l-kwalità tad-djalogu soċjali f’ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu. L-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku (7) x’jaqdu fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki li direttament jew indirettament jaffettwaw l-impjieg u s-swieq tax-xogħol. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-pożizzjoni ta’ appoġġ tal-Eurofound, li tgħid li d-djalogu soċjali għandu jiġi promoss u appoġġjat, filwaqt li jiġu rispettati l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u n-negozjar kollettiv u tiżdied il-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jiġu involuti fid-djalogu soċjali, billi jiġu mgħammra bl-għarfien u t-taħriġ u billi jinħolqu l-oqfsa legali u politiċi adatti li jippermettu l-prestazzjoni effettiva tal-partijiet interessati soċjali kollha (8). Id-djalogu soċjali bipartitiku u n-negozjar kollettiv, fil-livelli kollha, huma l-qalba tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali u jaqdu rwol kruċjali fit-tiswir tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. Id-djalogu soċjali bipartitiku għandu jkun ibbażat fuq qafas istituzzjonalizzat li jipprovdi appoġġ adatt, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

2.9

Il-mekkaniżmi ta’ djalogu fil-livell nazzjonali jistgħu jinkludu kunsilli tripartitiċi nazzjonali ekonomiċi u dawk tax-xogħol li jkunu miftuħa għal diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew kunsilli ekonomiċi u soċjali li għandhom iservu ta’ kanali għall-opinjonijiet tas-soċjetà Ewropea fl-affarijiet ekonomiċi u soċjali, permezz ta’ gruppi magħmulin miċ-ċittadini, biex jipproduċu din il-forma ta’ djalogu bil-għan li jiġu indirizzati b’mod konġunt l-isfidi tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Madankollu, dawn il-korpi ma ġewx stabbiliti fil-pajjiżi kollha tal-UE u l-Kumitat ta’ kuntatt tal-KESE għandu jkollu rwol aktar b’saħħtu fil-koordinazzjoni.

3.   Djalogu Soċjali Ewropew: pilastru tal-mudell soċjali tal-UE

3.1

Id-djalogu soċjali huwa komponent inaljenabbli tal-mudell soċjali Ewropew. Filwaqt li d-djalogi “Val Duchesse” fl-1985 huma kkunsidrati bħala l-punt tat-tluq, kien it-Trattat ta’ Maastricht li aċċetta l-indikazzjonijiet tal-imsieħba soċjali bil-għan li jistabbilixxi d-djalogu soċjali interprofessjonali Ewropew kif nafuh.

3.2

Kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (9), il-promozzjoni tad-djalogu bejn il-maniġment u x-xogħol hija rikonoxxuta bħala għan komuni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. L-imsieħba soċjali fil-livell interprofessjonali jew settorjali, meta jaġixxu flimkien u jiffirmaw ftehimiet, jipparteċipaw fid-definizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet relatati max-xogħol u fl-implimentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali. Huma jagħmlu dan abbażi tal-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni (anke bil-għan li jissupplimentaw lill-Parlament Ewropew) jew permezz ta’ inizjattivi awtonomi, ibbażati fuq programm ta’ hidma ta’ tliet snin, li jiġi definit mill-imsieħba soċjali Ewropej. Barra minn hekk, it-TFUE jiggarantixxi r-rwol u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali Ewropej.

3.3

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, id-djalogu soċjali Ewropew żviluppa b’mod irregolari ħafna: sar progress, iżda kien hemm ukoll intoppi. Hekk kif bdiet il-kriżi taż-żona tal-euro fl-2009, kien hemm deterjorament ċar tad-djalogu soċjali Ewropew kollu kemm hu.

3.4

Il-KESE, fl-Opinjoni tiegħu (10) dwar il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-UE 2020, jiġbed l-attenzjoni għal-Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali, li tgħid b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom iħeġġu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għalihom, liema aġir jirrispetta bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom.

3.5

Sal-lum, l-imsieħba soċjali Ewropej, fil-kuntest tal-programmi ta’ ħidma konġunti regolari tagħhom, ikkonkludew disa’ ftehimiet qafas. Tlieta minnhom – li jirregolaw il-leave tal-ġenituri (11), ix-xogħol part-time (12) u x-xogħol għal żmien fiss (13) – konklużi iżjed minn 20 sena ilu, ġew trasposti f’direttivi Ewropej u issa jiffurmaw parti integrali mill-ġabra tal-liġijiet tal-UE; l-oħrajn huma l-ftehimiet awtonomi (14) u l-oqfsa ta’ azzjonijiet (15) u numru ta’ dokumenti konġunti oħra. Il-ftehimiet awtonomi m’għandhomx effett dirett fir-relazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol u jeħtieġ li jiġu trasposti fil-qafas legali domestiku jew fil-ftehimiet kollettivi, iżda l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali huma responsabbli għall-implimentazzjoni f’waqtha, b’mod adatt u koordinat fl-Ewropa kollha.

3.6

Fl-2020, l-imsieħba soċjali laħqu Ftehim Awtonomu dwar id-Diġitalizzazzjoni. Dan jappella għall-konklużjoni ta’ strateġija ta’ bidla diġitali li tiżgura li kemm l-intrapriża kif ukoll il-ħaddiema jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta’ teknoloġija diġitali (żvilupp ta’ ħiliet, programmi ta’ taħriġ assoċjati ma’ bidla diġitali fuq ix-xogħol, u miżuri biex jindirizzaw il-modalitajiet ta’ konnessjoni u skonnettjar).

3.7

Is-sottogrupp tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali dwar l-implimentazzjoni ta’ strumenti awtonomi ta’ djalogu soċjali, li jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, għandu jħares lejn il-ħtieġa għal interazzjoni u rabtiet aktar mill-qrib u aktar intensi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali tal-imsieħba soċjali. F’dan il-kuntest, l-imsieħba soċjali Ewropej impenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-ostakli differenti għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet awtonomi tagħhom, li għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib mill-UE sabiex jimmiraw inizjattivi ta’ appoġġ speċifiċi.

3.8

Fl-aħħar, ġew innegozjati sitt programmi ta’ ħidma konġunti. L-iktar wieħed reċenti (16) jappoġġja l-għanijiet tad-dikjarazzjoni kwadripartitika tal-2016 dwar Bidu Ġdid għal Djalogu Soċjali (17) sabiex: jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livelli Ewropej u nazzjonali; jiġi nnegozjat ftehim awtonomu dwar id-diġitalizzazzjoni; jiżdied l-appoġġ b’rabta mal-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali nazzjoali, b’mod partikolari permezz tal-Fond Soċjali Ewropew; u jitrawmu r-rwol u l-influwenza tal-imsieħba soċjali nazzjonali fis-Semestru Ewropew.

3.9

Il-KESE jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jagħmlu użu mill-potenzjal kollu li t-Trattat joffrilhom (l-Artikolu 154 tat-TFUE) biex jidħlu f’negozjati (li jistgħu jkunu l-bażi ta’ qafas Ewropew imġedded f’oqsma soċjali u dawk marbuta max-xogħol) biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw minn bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol u biex jiġi antiċipat ir-rwol leġiżlattiv tal-Kummissjoni u l-Kunsill f’dan il-qasam.

3.10

Id-djalogu soċjali tas-settur Ewropew huwa bbażat legalment fuq id-Deċiżjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 (18), li tistabbilixxi Kumitati ta’ Djalogu Soċjali Settorjali. Bħalissa, hemm 43 kumitat settorjali dwar id-djalogu soċjali, li jkopru setturi ewlenin u (19) madwar 80 % tal-forza tax-xogħol tal-UE (20). Ġew implimentati għadd ta’ ftehimiet permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, iżda l-Kummissjoni Ewropea ma ressqitx quddiem il-Kunsill – sabiex ftehim settorjali jkun jista’ jinbidel f’direttiva – żewġ proposti mill-imsieħba soċjali: il-ftehim li ntlaħaq fis-settur tal-hairdressing (2012) u l-ftehim dwar id-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-gvern ċentrali/federali (2015). Dan kien pass bla preċedent, li wassal għal kawża quddiem il-QĠUE.

3.11

Jinħtieġu proċessi ċari għan-negozjar ta’ ftehimiet vinkolanti tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE, f’konformità mat-Trattati (l-Artikoli 153-155), flimkien ma’ kriterji trasparenti li jirrispettaw l-awtonomija tal-imsieħba soċjali meta jittrattaw l-eżitu ta’ tali negozjati f’negozjati speċifiċi għas-settur u transsettorjali. Għandha tiġi pprovduta kjarifika mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha fil-livell tal-UE, sabiex jiġi evitat marġni mhux ċar ta’ diskrezzjoni mill-KE fl-indirizzar tal-eżitu ta’ dawn in-negozjati.

3.12

Is-sistema ta’ djalogu soċjali tal-UE tikkonċerna wkoll kumpaniji Ewropej li joperaw f’diversi Stati Membri tal-UE, u hija prinċipalment strutturata madwar id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (21). L-iktar għodda importanti maħluqa mil-leġiżlatur tal-UE sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv u kostanti ta’ dawn id-drittijiet hija rrappreżentata mid-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (22).

3.13

Aktar minn 1 100 ftehima ġew innegozjati biex jistabbilixxu jew iġeddu l-funzjonament tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u korpi oħra ta’ rappreżentanti transkonfinali tal-ħaddiema (bħalma huma l-SE – kumpanija Ewropea jew kooperattivi Ewropej). Aktar reċentement, id-djalogu soċjali ma’ kumpaniji multinazzjonali għamel ukoll użu akbar mill-ftehimiet ta’ kumpaniji transnazzjonali, li jibnu fuq in-numru kbir ta’ testi ffirmati minn atturi differenti iżda prinċipalment minn Federazzjonijiet Ewropej tat-Trade Unions jew minn Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (23). Aktar minn 200 Ftehima ta’ Kumpaniji Transnazzjonali jimmiraw li jimmodernizzaw ir-relazzjonijiet industrijali mal-MNEs (24). Għodda iktar prattika ta’ linji gwida għan-negozjati kollettivi transkonfinali fil-livell tal-kumpanija tagħmel dan is-saff tas-sistema tar-relazzjonijiet industrijali tal-UE aktar effiċjenti.

3.14

Din l-attività kollha turi d-dinamiżmu tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha anke jekk dan id-dinamiżmu jista’ jkollu bżonn għodda li jagħmlu mod li d-djalogu soċjali jindirizza b’mod effettiv l-iżjed ħtiġijiet reċenti tal-kumpaniji u tal-ħaddiema, minħabba t-tibdil rapidu fl-organizzazzjoni u t-tranżizzjonijiet tax-xogħol. Id-dikjarazzjoni kwadripartitika dwar Bidu ġdid għad-djalogu soċjali ffirmata fl-2018 u promossa mill-KE (25) kienet tentattiv biex id-djalogu soċjali interprofessjonali jiġi adattat għall-kuntest istituzzjonali Ewropew il-ġdid bi rwol aktar prominenti għall-governanza ekonomika tal-UE biex tiskatta konverġenza ’l fuq tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-Ewropej kollha.

3.15

Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-Aġenda 2030 tan-NU u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jirrikonoxxu (fl-Għanijiet 8, 16 u 17) li d-djalogu soċjali jista’ jsaħħaħ l-istituzzjonijiet (demokratiċi) u jista’ jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli billi jiżviluppa fehim konġunt tal-isfidi u l-mod kif għandhom jiġu indirizzati. L-imsieħba soċjali huma għalhekk meqjusa bħala atturi ewlenin fir-rigward tar-riforma u l-immodernizzar tas-soċjetajiet u l-ekonomiji. Jistgħu jikkontribwixxu għall-biċċa l-kbira tal-SDGs u jistgħu jinkorporaw aspetti tas-sostenibbiltà b’mod aktar estensiv minn dak li qed jagħmlu bħalissa. It-twessigħ tal-ambitu tan-negozjati jeħtieġ sħubijiet u strateġiji ġodda (26). Id-djalogu soċjali awtonomu u indipendenti huwa essenzjali biex jgħaqqad il-politika soċjali ma’ politika ekonomika soda u strateġija għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, kompetittività u progress soċjali fl-Istati Membri kollha u fiż-żona ekonomika Ewropea (27).

3.16

Biex jibqa’ utli, jeħtieġ li d-djalogu soċjali jindirizza suġġetti ġodda u t-tibdil fis-suq tax-xogħol, u jagħti riżultati effettivi. Forom ġodda u mhux standard ta’ xogħol jistgħu jċajpru l-linji ta’ relazzjoni bejn il-ħaddiem u l-impjegatur u qed iwasslu għal numru dejjem akbar ta’ persuni li ma għadhomx koperti minn negozjar kollettiv jew minn leġiżlazzjoni ta’ protezzjoni. Dan huwa qasam li jista’ jiġi indirizzat fid-djalogu soċjali, li jgħin biex jintlaħaq kunsens bejn il-ħaddiema u n-negozji sabiex jitħaddnu d-dimensjonijiet kollha tas-sostenibbiltà.

3.17

Id-djalogu soċjali tripartitiku jista’ jkun aktar effettiv jekk irawwem negozjati u riżultati konkreti fil-livelli kollha. Hemm potenzjal li jittejjeb il-funzjonament tal-korpi tripartitiċi tad-djalogu soċjali u l-proċessi ta’ konsultazzjoni – b’mod partikolari fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – sabiex ikun jista’ jkollhom impatt ġenwin, li jwassal ukoll għal involviment akbar, f’waqtu u sinifikanti tal-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-proġett li għaddej bħalissa bejn l-ILO u l-KE għandu l-għan li jidentifika prattiki tajbin li jinbtu mid-djalogu soċjali li qed jitfaċċaw f’diversi pajjiżi, kif ukoll l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi mmirati lejn it-tisħiħ tar-rwol tad-djalogu soċjali – inkluż in-negozjar kollettiv – biex jiindirizza sfidi u opportunitajiet ġodda f’dinja ġdida tax-xogħol, u fl-istess ħin tiġi appoġġata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali (28).

3.18

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (29) jirrikonoxxi l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u d-dritt tagħhom għall-azzjoni kollettiva u li jkunu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali, inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali u tal-imsieħba soċjali, u tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha.

3.19

Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jeżamina modi biex jippromovi d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u jżid il-kapaċità tal-unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi fil-livell tal-UE u nazzjonali.

3.20

L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti matul is-Semestru Ewropew tal-Governanza Ekonomika, speċjalment fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi tal-impjieg, u dawk soċjali u, fejn rilevanti, dawk ekonomiċi u politiki, jew bħala konsegwenza ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew skont id-dinamika nazzjonali, u fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (30).

3.21

Ħafna jenfasizzaw li l-involviment tal-imsieħba soċjali mill-gvernijiet nazzjonali jseħħ biss fi ftit pajjiżi u l-evidenza miġbura matul is-snin turi li l-possibbiltà li jiġu kkonsultati fil-qafas tal-governanza ekonomika hija f’idejn il-gvernijiet fil-kariga. Is-sitwazzjoni hija agħar fil-każ ta’ dawk l-Istati Membri fejn jippersistu dgħufijiet storiċi fl-istrutturi u l-prattiki tad-djalogu soċjali. Fi kwalunkwe każ, l-imsieħba soċjali nazzjonali mhux dejjem ikollhom il-kapaċità li jipparteċipaw b’mod proattiv f’dan il-proċess diffiċli (31).

3.22

Il-koordinazzjoni eżerċitata fil-qafas tas-Semestru u mill-Kunsill permezz tal-Kumitat tal-Impjiegi mhux dejjem tipproduċi riżultati li huma sodisfaċenti għan-naħat kollha. Meta wieħed iqis ir-rwol prominenti li s-Semestru tal-UE se jikseb fl-implimentazzjoni tal-QFP 2021-2027 u l-Programm Next Generation EU, għandha tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu li jagħti d-dritt lill-imsieħba soċjali li jiġu kkonsultati, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, fl-istadji importanti rrappreżentati mis-Semestru. Emenda fis-“six pack” (32) tista’ tintroduċi obbligu fuq il-gvernijiet nazzjonali li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali fl-istadji importanti nazzjonali tas-Semestru, billi tintroduċi kriterji bħall-għażla adatta taż-żmien, ir-raġonevolezza u l-adegwatezza tal-konsultazzjoni (l-Artikolu 2-a(2)(c)(d) u (e) tar-Regolament 1146/97 kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1175/2011).

3.23

Skont ċerti sejbiet tar-riċerka (33), l-imsieħba soċjali nazzjonali mhux dejjem ikollhom il-kapaċitajiet biex jipparteċipaw b’mod proattiv f’dan il-proċess diffiċli. L-azzjonijiet għall-bini tal-kapaċitajiet għall-imsieħba soċjali, li għandhom l-għan li jsaħħu l-oqfsa u l-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali jenħtieġ li jiġu promossi u appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea, anke permezz tal-fondi tal-FSE. Dan jippermetti li l-imsieħba soċjali jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jinnavigaw il-perjodi ta’ tranżizzjoni ekoloġiċi u diġitali eżistenti, li huwa kruċjali. F’dan ir-rigward, il-kapaċità mhijiex biss problema interna (nuqqas) ta’ mezzi finanzjarji u ta’ riżorsi, iżda hija wkoll kwistjoni strutturali skont il-qafas tar-relazzjonijiet industrijali. L-attivitajiet ta’ taħriġ li jappoġġjaw il-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali, kif ukoll l-inċentivar ta’ impenn f’negozjati bipartitiċi fil-livell settorjali u tal-kumpaniji, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tan-negozjar kollettiv, jeħtieġ li jiġu appoġġjati aktar.

3.24

L-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet skont il-programmi operattivi tal-FSE għandu jiġi żviluppat aktar. Minkejja l-introduzzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta dwar is-sħubija, li permezz tiegħu l-imsieħba soċjali għandu jkollhom influwenza akbar fuq il-kontenut ta’ dawn il-programmi, l-awtoritajiet ta’ ġesjoni ma jallokawx appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali. Ir-regolament propost FSE+ għandu jinkludi miżuri għall-appoġġ tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u informazzjoni dwar kif l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu jiġu konvinti biex jagħmlu iktar biex jappoġġjaw il-bżonnijiet taal-imsieħba soċjali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet. F’dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet soċjali speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk għall-2020) qed jidentifikaw il-pajjiżi fejn l-appoġġ għall-imsieħba soċjali huwa l-aktar meħtieġ.

3.25

Rigward l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u d-djalogu ċivili, għandhom jiġu kkonsultati kif imiss mill-gvernijiet tal-UE u dawk nazzjonali, speċjalment għall-politiki speċifiċi, fejn jistgħu jġibu valur miżjud.

4.   Analiżi tal-esperjenzi mill-aħħar kriżi finanzjarja 2008–2010 u t-tagħlimiet misluta, kemm pożittivi kif ukoll negattivi

4.1

Id-djalogu soċjali fi żminijiet ta’ kriżi, bħal fl-aħħar kriżi fl-2008-2010, kellu t-tendenza li jixhed l-użu tiegħu bħala strument biex jipprovdi soluzzjonijiet. Huwa ċar li t-tweġibiet mill-imsieħba soċjali kienu diretti lejn l-iżgurar tal-impjieg u l-evitar tas-sensji, jew lejn il-limitazzjoni tal-firxa u l-konsegwenzi tat-telf tal-impjiegi. Id-djalogu soċjali huwa strument importanti li, f’ċerti ċirkustanzi, tħeġġeġ mill-gvernijiet biex jikkumbattu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tal-kriżi ekonomika globali. In-negozjar kollettiv intuża bħala għodda biex tiġi evitata l-agħar sitwazzjoni possibbli, li jfisser telf sensji, telf estensiv ta’ impjiegi u għeluq ta’ kumpaniji (34).

4.2

Ir-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali nazzjonali għall-effetti tal-kriżi finanzjarja kienu kkaratterizzati minn tliet fatturi ewlenin: l-iskala tal-kriżi ekonomika, l-istruttura istituzzjonali tar-relazzjonijiet industrijali, u d-deċiżjonijiet tal-gvern. F’pajjiżi bi djalogu soċjali stabbilit sew, l-imsieħba soċjali kienu involuti b’mod attiv fit-tfassil ta’ risponsi tripartitiċi rapidi u effettivi fil-livell tas-setturi jew tal-intrapriżi. Il-mudelli ta’ intervent varjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Fattur determinanti għas-suċċess jew il-falliment tad-djalogu soċjali deher li kien il-livell ta’ appoġġ mill-gvern għall-proċess u l-involviment f’waqtu tal-imsieħba soċjali (35). Ħarġet fid-dieher it-tendenza ġenerali li ġejja: waqt l-ewwel fażi tal-kriżi (2008-2010) taħt stress ekonomiku qawwi, l-imsieħba soċjali ħadu azzjoni, bl-għan komuni li jinżammu l-impjiegi eżistenti u l-livell ġenerali tal-impjieg, bl-użu ta’ stabilizzaturi soċjali awtomatiċi fejn dawn kienu jeżistu. Dan seħħ mhux biss permezz ta’ negozjati nazzjonali tripartitiċi iżda ġie rifless ukoll fil-ftehimiet kollettivi bilaterali f’livell settorjali/ta’ fergħat u tal-kumpaniji (36).

4.3

Fit-tieni fażi tal-kriżi (2011-2014), kien hemm ħafna impatti sostanzjali fuq firxa ta’ aspetti tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri (37): wieħed minn dawn kien tendenza lejn aktar deċentralizzazzjoni fin-negozjar kollettiv. F’ċerti Stati Membri, l-effett ikkombinat tat-teħid aktar unilaterali tad-deċiżjonijiet mill-gvernijiet u d-deċentralizzazzjoni tan-negozjar kollettiv wassal għal inqas negozjar bejn għadd ta’ impjegaturi u tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv. Barra minn hekk, fis-sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, seħħ ċaqliq lejn strutturi u proċessi aktar volontarji u inqas tripartitiċi (38).

4.4

L-Istati Membri li fihom l-impatt tal-kriżi kien l-aktar gravi fuq ir-relazzjonijiet industrijali kienu dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi mill-perspettiva ekonomika u soċjali. L-imsieħba soċjali fil-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja, pereżempju, ftit li xejn kellhom flessibbiltà ta’ manuvrar, minħabba l-iskala tal-aġġustamenti ekonomiċi li dawn il-pajjiżi kellhom jagħmlu (39). Is-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali tal-pajjiżi Nordiċi u tal-Ewropa Ċentrali kellhom aktar flessibbiltà potenzjali għall-atturi u l-proċessi (eż. klawżoli ta’ ftuħ fil-ftehimiet kollettivi), li jippermettulhom jadattaw aktar faċilment għat-tibdil fl-ambjent ekonomiku. Għalhekk, relazzjonijiet b’saħħithom bejn l-imsieħba soċjali ppermettew aktar riżultati pożittivi.

4.5

Ġew introdotti żewġ tipi ta’ miżuri biex jittaffa l-impatt tal-kriżi. L-ewwel waħda ffukat fuq li jiġu evitati s-sensji u t-tieni fuq il-mitigazzjoni tal-effetti tas-sensji. L-evitar tas-sensji kien jinkludi skemi ta’ xogħol għal żmien qasir f’diversi forom f’pajjiżi differenti, iżda kien ukoll evidenti li xi partijiet tal-popolazzjoni u l-gruppi vulnerabbli tal-ħaddiema f’forom ta’ xogħol mhux standard ma kinux koperti minn kwalunkwe forma ta’ protezzjoni soċjali, li tagħmel l-inklużività fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali u servizzi pubbliċi effiċjenti bħala prijorità għall-politika pubblika. L-iskemi ta’ xogħol għal żmien qasir u l-perjodu tal-qgħad koperti minn benefiċċji kienu akkumpanjati minn titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Dan seta’ jintwera f’ħafna każijiet u għandu jitqies bħala prattika tajba f’każ ta’ kriżi.

4.6

It-tieni tip ta’ tweġiba biex jittaffew l-effetti kien maqsum bejn in-negozjati dwar ħlas għal tkeċċija, li għalih kien hemm domanda kbira mill-ħaddiema, u ftehim milħuq bejn it-trade unions u min iħaddem biex jingħata appoġġ għar-ritorn lejn il-forza tax-xogħol għal dawk li ngħataw is-sensja. Dawn il-ftehimiet ħadu diversi forom minħabba diversi kuntesti istituzzjonali nazzjonali: pereżempju, it-tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor (fin-Netherlands), kumpaniji ta’ trasferiment (fil-Ġermanja), kunsilli tas-sigurtà tal-impjiegi (fl-Iżvezja) u fondazzjonijiet tax-xogħol (fl-Awstrija). Dawn il-miżuri spiss kienu akkumpanjati minn offerti ta’ konsulenza, miżuri ta’ riallokazzjoni, taħriġ mill-ġdid u informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala. Il-firxa sħiħa tal-miżuri hija disponibbli fil-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa, 2010 (40).

4.7

Id-djalogu soċjali għandu rwol kruċjali fit-tfassil ta’ tweġibiet f’waqthom u mmirati biex jiġu appoġġjati l-impjieg u l-irkupru ekonomiku fi żminijiet ta’ kriżi iżda, waħdu, ma jistax isolvi l-problemi kollha. Politiki u regolamenti pubbliċi sodi u spazju fiskali adatt huma kruċjali, partikolarment f’kuntest ta’ kriżi (41).

5.   L-involviment tal-ħaddiema fil-ġestjoni tal-kumpanija: tweġiba għall-immaniġġjar tal-bidla

5.1

Id-demokrazija industrijali hija ġeneralment mifhuma bħala l-governanza tal-proċessi tan-negozju fl-intrapriżi “sostenibbli” (42), ibbażata fuq id-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpaniji (43). Governanza korporattiva tajba tista’ tagħmilha possibbli li jinkisbu miri ekonomiċi pożittivi, flimkien ma’ miri soċjali u ambjentali. Bħalissa hemm fis-seħħ taħlita ta’ atti leġiżlattivi, flimkien ma’ miżuri operattivi u ta’ politika, li jqisu l-prattiki u s-sitwazzjonijiet tar-relazzjonijiet industrijali nazzjonali f’kull negozju. Il-globalizzazzjoni u l-proċessi ta’ produzzjoni transnazzjonali tal-intrapriżi Ewropej bidlu l-mod ta’ kif inhuma strutturati l-flussi tal-informazzjoni fil-kumpaniji (44). Il-kollaborazzjoni affidabbli bejn min iħaddem u l-ħaddiema wriet l-importanza tagħha – l-aktar reċenti fil-pandemija tal-COVID-19.

5.2

Id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni huma drittijiet soċjali fundamentali li huma stabbiliti fi strumenti internazzjonali (ILO) u Ewropej (Kunsill tal-Ewropa u l-UE) dwar id-drittijiet tal-bniedem u huma fundamentali għal djalogu soċjali effettiv.

5.3

Fil-livell Ewropew, l-involviment tal-ħaddiema jgħin biex tiġi kkondiviża l-informazzjoni f’waqtha mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fis-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali, jappoġġja l-iżvilupp ta’ deċiżjonijiet informati dwar il-ġestjoni f’ċerti kwistjonijiet ta’ interess dirett għall-ħaddiema mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u jikkontribwixxi għal distribuzzjoni sostenibbli u aktar ġusta tal-mudelli kummerċjali. Dan jgħin biex tiġi promossa l-idea tas-suq ekonomiku soċjali li jqis il-mudell soċjali Ewropew bħala xprun għall-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

5.4

Diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE stabbilew ir-rekwiżiti minimi (45) u ddefinew id-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni u d-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (46), kif ukoll atti legali li jikkonċernaw forom speċifiċi ta’ intrapriżi, bħal SEs u s-Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, jew sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal fużjonijiet transkonfinali, trasferiment ta’ impriżi, u sensji kollettivi. Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (u l-Kunsilli tax-Xogħlijiet tal-SE) huma korpi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema dwar kwistjonijiet transnazzjonali u r-rilevanza tagħhom għall-forza tax-xogħol Ewropea hija importanti. Dawn għandhom rwol importanti fl-integrazzjoni progressiva tal-Istati Membri Ewropej u s-suq uniku (47). Hemm lok għal titjib fir-rigward tal-kwalità u l-effettività tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet dwar ir-ristrutturar transnazzjonali tal-kumpaniji, kif enfasizzat il-Kummissjoni fir-rapport tagħha (48).

5.5

Il-parteċipazzjoni fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema tinsab fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri iżda ma hemm l-ebda bażi komuni fil-livell Ewropew u għalhekk tidher fil-prattiki differenti speċifiċi għall-oqfsa nazzjonali. Fl-Opinjoni tiegħu SOC/470 (49), il-KESE diġà talab qafas armonizzat fil-livell tal-UE għall-parteċipazzjoni fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema. Sfortunatament, il-Pakkett tal-Liġi dwar il-Kumpaniji tal-2019 li ġie approvat ma jirriflettix din il-proposta.

5.6

Il-prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jgħid li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom dritt li jiġu infurmati u kkonsultati fi żmien adatt dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom. Minn din il-perspettiva, l-involviment tal-ħaddiema huwa strateġiku biex jiġu ġestiti t-tranżizzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi ekoloġiċi, demografiċi u teknoloġiċi u jiġu akkumpanjati l-bidliet fl-organizzazzjoni jew fir-ristrutturar tax-xogħol (50). Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali biex jieħdu azzjoni biex jiżguraw li d-drittijiet għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema jiġu rispettati fil-proċessi tar-ristrutturar.

5.7

Il-miżuri leġiżlattivi Ewropej fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jenfasizzaw u jinkludu r-rwol neċessarju tar-rappreżentanza tal-ħaddiema f’dan il-qasam ukoll. Il-ftehimiet tripartitiċi u bipartitiċi f’ċerti pajjiżi Ewropej biex jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19 fil-livell tal-intrapriżi kienu eżempji proattivi ta’ inizjattivi konġunti tal-imsieħba soċjali fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali.

5.8

Minn naħa, il-kriżi tal-COVID-19 turi l-eżempji pożittivi ta’ djalogu soċjali kostruttiv fl-Ewropa fil-livell tal-intrapriżi biex jinżammu l-impjiegi, jiġi żgurat ir-ritorn tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol filwaqt li titkompla l-attività tan-negozju. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma ġewx rispettati kullimkien fl-Ewropa, anke fil-fażi ta’ emerġenza, inkluż fir-ristrutturar u fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex jipproteġu s-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol riskjużi. Jinħtieġu azzjonijiet fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-proċessi ta’ ristrutturar minħabba l-kriżi tal-COVID-19.

5.9

Jinħtieġu aktar passi fil-livell Ewropew biex jimtlew il-lakuni u tissaħħaħ id-demokrazija fil-post tax-xogħol. L-għan huwa li jiġu żgurati protezzjonijiet adegwati minimi u drittijiet fir-rigward tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet tal-ħaddiema f’sitwazzjonijiet transkonfinali fejn il-liġijiet nazzjonali ma jistgħux jiġu applikati b’mod koordinat u ekwu. Jinħtieġ qafas trasversali effiċjenti għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta’ rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet fil-forom kollha tal-kumpaniji tal-UE u dawk li jagħmlu użu mill-istrumenti tal-mobilità tal-kumpaniji. In-nuqqasijiet fl-aċċess għall-informazzjoni rigward l-attivitajiet tan-negozju f’pajjiżi mhux tal-UE u l-impatt tagħhom fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu vvalutati sabiex jiġi żgurat ir-rwol xieraq tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, il-miżuri ta’ infurzar għandhom jissaħħu, flimkien ma’ sanzjonijiet effettivi u proporzjonati, fejn ġew identifikati n-nuqqasijiet.

5.10

Jeħtieġ li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema tas-settur pubbliku għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni biex tiżgura li jiġi implimentat kif imiss il-ftehim tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar din il-kwistjoni.

5.11

Il-prattiki nazzjonali juru differenzi fl-involviment tal-ħaddiema. B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li r-rappreżentanti tal-ħaddiema maħtura skont ir-regoli Ewropej u nazzjonali (51) għall-korpi amministrattivi u superviżorji jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom kif imiss kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea. Jeħtieġ ukoll li jiġi garantit li l-ħaddiema jkunu infurmati u kkonsultati b’mod adegwat u f’waqtu dwar il-pjani tal-kumpanija u l-implikazzjonijiet potenzjali għall-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’konformità mad-Direttiva.

6.   Djalogu soċjali għal rkupru sostenibbli u inklużiv wara l-COVID-19

6.1

Ħafna organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, inklużi l-ILO, l-OECD, il-Kummissjoni Ewropea, il-Eurofound, u anke l-imsieħba soċjali Ewropej, ġabru, ippubblikaw u aġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex, l-ewwel nett, tiġi indirizzata l-fażi tal-emerġenza u mbagħad, it-tkomplija tal-attivitajiet ekonomiċi u l-ippjanar tal-programmi ta’ rkupru.

6.2

F’ċerti pajjiżi, ġew iffirmati ftehimiet bipartitiċi u tripartitiċi sa mill-bidu tal-pandemija, flimkien ma’ numru ta’ ftehimiet settorjali bipartitiċi li għandhom l-għan li jintroduċu miżuri biex iżommu postijiet tax-xogħol b’saħħithom u sikuri.

6.3

Minħabba n-nuqqas ta’ rispons koordinat mill-Istati Membri fil-bidu tal-kriżi pandemika, huwa ċar li fl-istadju ta’ rkupru neħtieġu approċċ ibbażat fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri għall-futur tal-Ewropa.

6.4

L-imsieħba soċjali Ewropej – ETUC, Business Europe, CEEP u SME United – fl-istqarrija konġunta tagħhom dwar l-emerġenza tal-COVID-19 jitolbu b’mod qawwi lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-imsieħba soċjali nazzjonali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali. Madankollu l-kontribut attiv u effettiv tagħhom jiddependi mhux biss mill-kapaċità tagħhom stess iżda wkoll mir-rikonoxximent tal-gvern tar-rwol tagħhom fil-konteniment tal-pandemija u fl-indirizzar tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha. Hemm eżempji tajbin ta’ ġestjoni tal-kriżijiet immexxija b’mod proattiv mill-imsieħba settorjali Ewropej u soċjali. Xi wħud huma tripartitiċi, u xi wħud huma bipartitiċi. Il-ftehimiet kollettivi f’diversi pajjiżi Ewropej fittxew li jrażżnu l-virus billi jiżguraw ambjent tax-xogħol sikur, arranġamenti speċifiċi ta’ xogħol u xbieki ta’ sikurezza soċjali, bħal-liv tal-mard u l-liv tal-ġenituri.

6.5

Il-pjan ta’ rkupru tal-UE, li jinkludi l-proposta New Generation EU tal-Kummissjoni u l-miżuri kollha li kienu diġà adottati b’fondi, għotjiet u self ad hoc mill-BĊE u l-BEI, bla dubju jirrappreżenta pakkett sostanzjali ta’ miżuri finanzjarji, li għandhom jisfruttaw l-investiment pubbliku u privat, immirat biex jappoġġja t-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi ta’ kwalità tajba.

6.6

Fis-Summit Soċjali Tripartitiku tat-23 ta’ Ġunju 2020, l-imsieħba soċjali enfasizzaw il-ħtieġa għal investiment fis-settur u s-servizzi tas-saħħa pubblika l-aktar affettwati li ntlaqtu l-agħar f’dan il-perjodu u għal investiment strutturali għal tranżizzjoni ekoloġika, trasformazzjoni diġitali u teknoloġiji innovattivi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea billi jiġi appoġġjat l-impjieg ta’ kwalità tajba, it-taħriġ u l-progress soċjali u ekonomiku f’kuntest Ewropew ikkoordinat.

6.7

Huwa kruċjali li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE jinbena fuq l-involviment tal-imsieħba soċjali – u bis-saħħa tiegħu – fil-livelli kollha. Id-djalogu soċjali huwa l-istrument ewlieni għal governanza soda f’perjodi ta’ kriżi. Il-konsultazzjoni u d-diskussjonijiet f’livell tripartitiku jsaħħu l-kwalità tat-tfassil tal-politika bħala reazzjoni għall-kriżi, jinvolvu lill-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni u jibnu fiduċja fosthom biex jingħelbu d-diffikultajiet, filwaqt li tappoġġja l-koeżjoni soċjali u r-reżiljenza tal-ekonomiji tagħna. L-immappjar tal-impatt tal-kriżi fuq il-ħaddiema, l-intrapriżi u l-komunitajiet lokali u l-gruppi soċjali jitwettaq ukoll mal-partijiet interessati soċjali mal-awtoritajiet lokali u huwa kruċjali għall-adozzjoni ta’ miżuri temporanji miftiehma u biex jinbena kunsens għal pjanijiet ta’ rkupru għal żmien medju u twil.

6.8

Jeħtieġ li jiġu definiti pjani nazzjonali għall-allokazzjoni tar-riżorsi Ewropej abbażi ta’ ppjanar fuq żmien medju-twil, mingħajr ma jinfirxu r-riżorsi billi jiġu frammentati, u billi jiġu kkunsidrati l-fraġilitajiet li ħarġu fil-fażi ta’ emerġenza u ż-żieda fl-inugwaljanzi fis-soċjetà.

6.9

F’ċerti pajjiżi tal-UE, id-djalogu soċjali wera li huwa effettiv għall-adozzjoni fil-pront u effettiva ta’ miżuri ta’ emerġenza b’saħħithom biex jgħinu lin-negozji jkomplu joperaw u b’hekk iżommu l-impjiegi u jżommu n-nies fis-suq tax-xogħol, u b’ hekk jgħinu biex jiżguraw skemi ta’ xogħol għal perjodu qasir ta’ żmien immirati biex itaffu l-effetti fuq l-impjieg u biex jipprovdu sigurtà tal-ippjanar għall-ħaddiema u l-kumpaniji biex jirnexxu fil-fażi ta’ rkupru.

6.10

F’ċerti Stati Membri, madankollu, il-biċċa l-kbira tal-gruppi vulnerabbli, bħal dawk f’forom mhux standard ta’ impjieg, dawk li jaħdmu għal rashom, u l-ħaddiema mhux iddikjarati, ma rċevewx aċċess għall-miżuri ta’ protezzjoni u jiffaċċjaw ir-riskju li jispiċċaw fil-faqar, li jaggrava l-emerġenza soċjali.

6.11

Fit-tul, l-UE tista’ tappoġġja lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali billi treġġa’ lura r-riformi strutturali li jnaqqsu l-protezzjoni tal-impjieg u billi toħloq aktar spazju għan-negozjar kollettiv u billi ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-UE għandha tindirizza wkoll sfidi urġenti, bħall-qgħad fit-tul, it-tranżizzjonijiet lejn proċessi ekoloġiċi u diġitalizzati u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid biex titrawwem l-impjegabbiltà, u tipprovdi qafas regolatorju adegwat għal forom differenti ta’ xogħol.

6.12

Kooperazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni, il-gvern nazzjonali, min iħaddem u t-trade unions tista’ wkoll tgħin lis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali biex jindirizzaw il-kuntest ekonomiku u soċjali li qed jinbidel fl-Ewropa sabiex tiġi estiża l-kopertura għal dawk il-gruppi vulnerabbli li huma esklużi llum il-ġurnata. Fil-kuntest tal-Kunsill EPSCO, is-Semestru Ewropew għandu jittejjeb aktar biex jappoġġja lill-Istati Membri, b’tabella ġdida ta’ valutazzjoni tal-indikaturi, f’valutazzjoni komparattiva tal-progress fl-implimentazzjoni tal-politiki maqbula u t-tilħiq tal-għanijiet komuni fil-livell Ewropew. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, ir-riżoluzzjoni u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livell tal-UE u nazzjonali kif ukoll tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati soċjali oħra fil-livelli kollha se jkunu kruċjali biex jiġi żgurat l-irkupru sostenibbli tal-ekonomiji tagħna u t-tisħiħ tal-mudell soċjali Ewropew tagħna.

6.13

Fil-Komunikazzjoni tagħha Semestru Ewropew 2020: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (52), il-Kummissjoni Ewropea indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri kollha dwar il-pandemija tal-COVID-19. Il-parti introduttorja tenfasizza li r-rwol ta’ djalogu soċjali li jiffunzjona sew huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda jkunu ta’ suċċess, inklużivi u sostenibbli. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li, f’ċerti Stati Membri, il-prattika tad-djalogu soċjali u l-involviment tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-kriżi tal-COVID-19 iddgħajfet jew ġiet ristretta (53). Tliet Stati Membri – l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija – irċevew, bħala konsegwenza, rakkomandazzjoni “biex jiżguraw involviment adegwat u effettiv imsieħba soċjali u l-partijiet interessati fil-proċess tat-tfassil tal-politika”. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tevalwa l-implimentazzjoni rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż b’rabta ma’ dawn il-pajjiżi.

6.14

Il-Kummissjoni għandha tiżgura u tissorvelja – pereżempju permezz ta’ strumenti ta’ rappurtar – li l-Istati Membri jwettqu djalogu soċjali effettiv mal-partijiet interessati nazzjonali matul il-proċess tas-Semestru u fid-disinn tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru biex jiżguraw segwitu u implimentazzjoni effettivi, abbażi ta’ sjieda wiesgħa.

6.15

Huwa wkoll tal-akbar importanza li jiġi ggarantit li l-kapaċità tal-imsieħba soċjali ma tiddgħajjifx bħala riżultat tal-perjodu tal-coronavirus. L-UE għandha tikkunsidra kwalunkwe azzjoni meħtieġa, inklużi riżorsi finanzjarji biex tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali – kemm għall-attivitajiet kif ukoll għall-istrutturi tad-djalogu soċjali. L-imsieħba soċjali Ewropej indirizzaw proposta konġunta (54) lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħolqien ta’ strument finanzjarju ġdid biex jappoġġja l-attivitajiet straordinarji li qed iwettqu waqt il-kriżi tal-COVID-19.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-kelma “partijiet interessati” tirreferi għall-imsieħba soċjali (min iħaddem u t-trade unions). Fir-rigward tad-djalogu soċjali tripartitiku, tinkludi wkoll il-gvernijiet.

(2)  Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, ILC (Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol), 2008; Riżoluzzjoni tal-ILO dwar id-diskussjoni rikorrenti dwar id-djalogu soċjali, adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fit-13 ta’ Ġunju 2013; Riżoluzzjoni tal-ILO dwar it-tieni diskussjoni rikorrenti dwar id-djalogu soċjali u t-tripartitiżmu, adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fit-8 ta’ Ġunju 2018. Ara wkoll id-Dikjarazzjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO għall-Futur tax-Xogħol adottata fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, il-108 Sessjoni, 2019.

(3)  Ibid, Riżoluzzjoni tal-ILO 2018; Konklużjonijiet tad-diskussjoni ġenerali dwar Ix-xogħol deċenti fil-ktajjen tal-provvista globali, Ġunju 2016.

(4)  Studji reċenti tal-OECD: Employment Outlook 2019 and Going Digital: Shaping Policies, Improving lives Report 2019.

(5)  Fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, b’rabta ma’ diversi pajjiżi tal-UE, il-KE titlob għal interventi speċifiċi biex jitneħħew l-ostakli għan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali.

(6)  Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 144 dwar il-Konsultazzjoni Tripartitika li ġiet irratifikata minn 26 pajjiż tal-UE, fil-Kroazja se tidħol fis-seħħ fi Frar 2021, iżda l-Lussemburgu għadu ma rratifikahiex.

(7)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10

(8)  Eurofound (2020) Capacity building for effective social dialogue in the European Union.

(9)  Artikoli 151 sa 155 tat-TFUE.

(10)  ĠU C 232, 14.7.2020, p. 18

(11)  Konkluż għall-ewwel darba fl-1996, imbagħad ġie rivedut fl-2009. Ġie traspost mid-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE.

(12)  Traspost mid-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE.

(13)  Traspost mid-Direttiva tal-Kunsill 99/70/KE.

(14)  Dwar it-telexogħol (2002), l-istress relatat max-xogħol (2004), il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol (2007), is-swieq tax-xogħol inklużivi (2010) u t-tixjiħ attiv u l-approċċ interġenerazzjonali (2017), diġitalizzazzjoni (2020).

(15)  Dwar l-iżvilupp tul il-ħajja ta’ kompetenzi u kwalifiki (2002), l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (2005) u l-impjieg taż-żgħażagħ (2013).

(16)  Il-programm ta’ Ħidma 2019-2021 jindirizza s-sitt prijoritajiet li ġejjin: id-diġitalizzazzjoni, it-titjib tal-prestazzjoni tas-swieq tax-xogħol u l-ħiliet tas-sistemi soċjali, l-indirizzar tal-aspetti psikosoċjali u r-riskji fuq il-post tax-xogħol, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal djalogu soċjali aktar b’saħħtu, u l-ekonomija ċirkolari.

(17)  Id-dikjarazzjoni kwadripartitika hija disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=2562

(18)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ’l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, disponibbli hawnhekk https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:31998D0500&from=EN

(19)  Bħat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-kummerċ, il-metall, it-tarzni u l-edukazzjoni, l-assigurazzjoni u s-servizzi bankarji.

(20)  Kerckhofs, European sectoral social dialogue: facts and figures (Id-djalogu soċjali settorjali Ewropew: fatti u ċifri), EuroFound (2019), disponibbli hawnhekk https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2019/european-sectoral-social-dialogue-facts-and-figures (mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Ara l-Kapitolu 5 għar-referenzi speċifiċi.

(22)  Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ġew stabbiliti għall-ewwel darba bid-Direttiva 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati, iżda issa huma regolati mid-“Direttiva Mfassla mill-Ġdid”. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02009L0038-20151009 Skont il-Benchmarking Working Europe tal-2019 kien hemm 1 150 Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-2018, li mmobilizzaw madwar 20 000 rappreżentant tal-impjegati.

(23)  KETU-Business Europe, Rapport Finali – Building on experiences: A win-win approach to transnational industrial relations in multinational companies, 2018.

(24)  Skont il-Kummissjoni Ewropea, Database on transnational company agreements (Bażi tad-data dwar il-ftehimiet transnazzjonali tal-kumpaniji), disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=978&langId=en (mhux disponibbli bil-Malti).

(25)  Għal informazzjoni iżjed dettaljata ara: https://ec.europa.eu/social/home.jsp?langId=mt

(26)  Is-sostenibbiltà u l-governanza, ESDE, Kapitolu 6.

(27)  L-ewwel riżultati ta’ proġett tal-ILO-UE dwar it-tisħiħ tal-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali ġew ippreżentati f’konferenza f’Marzu li għadda u indirizzaw l-effettività tal-istituzzjonijiet ta’ djalogu soċjali nazzjonali u r-rwol tal-gvern fl-inkoraġġiment ta’ dan il-proċess.

(28)  Proġett ġdid tal-ILO u l-KE li għandu l-għan li janalizza u jiddokumenta kif l-imsieħba soċjali fil-pajjiżi tal-UE qed jagħmlu sforz biex jadattaw għal dan it-tibdil, Youcef Ghellab, Daniel Vaughan-Whiteadheader.

(29)  Proklamazzjoni interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, (2017/C/428/9)

(30)  Ara l-Indiċi tal-Involviment tat-Trade Unions tal-ETUC għall-Proċess tas-Semestru, dwar id-djalogi nazzjonali fil-qafas tas-Semestru.

(31)  Ħafna rapporti mill-Eurofound, l-ETUC, il-Kummissjoni Ewropea, l-EMCO, u l-OSE jikkonfermaw li l-imsieħba soċjali mhumiex involuti kif suppost.

(32)  https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/european-semester/framework/eus-economic-governance-explained_mt

(33)  Ibid rapporti tal-Eurofound, ETUI Benchmarking Working Europe 2018, analiżijiet annwali tal-ETUC dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-proċess tas-Semestru.

(34)  ETUI, 2010 Benchmarking Working Europe, Brussell, 2010.

(35)  Sommarju ta’ Politika tal-ILO, The need for social dialogue in addressing the COVID-19 crisis (Il-ħtieġa għal djalogu soċjali fl-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19), Ġinevra, Mejju 2020.

(36)  Eurofound (2012), Social dialogue in times of global economic crisis (Djalogu soċjali fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika globali).

(37)  Eurofound (2013), Comparative analytical report: the impact of the crisis on working conditions relations. (Rapport analitiku komparattiv: l-impatt tal-kriżi fuq ir-relazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tax-xogħol).

(38)  Glassner (2013), Central and eastern European industrial relations in the crisis: national divergence and path-dependent change (Ir-relazzjonijiet industrijali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-kriżi: id-diverġenza nazzjonali u l-bidla dipendenti mill-post), u l-ILO Recovering from the crisis through social dialogue in the new EU Member States: the case of Bulgaria, the Czech Republic, Poland and Slovenia (L-irkupru mill-kriżi permezz tad-djalogu soċjali fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE: il-każ tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovenja).

(39)  Eurofound (2014), Changes to wage-setting mechanisms in the context of the crisis and the EU’s new economic governance regime (Tibdil fil-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi fil-kuntest tal-kriżi u s-sistema ta’ governanza ekonomika ġdida tal-UE).

(40)  Kummissjoni Ewropea, Industrial relations in Europe, (2010). (Ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa) (mhux disponibbli bil-Malti).

(41)  Ibid sommarju politiku tal-ILO, 2020 u aġġornamenti tal-portal web tal-OECD “Tackling the coronavirus – contributing to a global effort”, Marzu 2020.

(42)  ĠU C 161, 06.06.2013, p. 35 – taqsima 3 tiddefinixxxi intrapriża “sostenibbli”.

(43)  Artiklu abbażi ta’ riċerka tal-Eurofound “Industrial democracy in Europe: a quantittive approach” (Id-demokrazija industrijali fl-Ewropa: approċċ kwantitattiv), Pablo Sanz, Christian Welz, Maria Caprile, Ricardo Rodriguez Contreras, Labour & Industry, Ġunju 2020.

(44)  Artiklu abbażi ta’ riċerka tal-Eurofound “Industrial democracy in Europe: a quantittive approach” (Id-demokrazija industrijali fl-Ewropa: approċċ kwantitattiv), Pablo Sanz, Christian Welz, Maria Caprile, Ricardo Rodriguez Contreras, Labour & Industry, Ġunju 2020.

(45)  Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni u d-Direttiva 2009/38/KE dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew.

(46)  Direttiva 94/45/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/38/KE.

(47)  Eurofound (2020), Social dialogue and HR practices in European global companies, with analysis and findings on the evolution of a European dimension of social dialogue at both transnational level of decision-making and in local subsidiaries and the role of EWCs as a key link between different levels of social dialogue within a company, such as the national and European (Id-djalogu soċjali u l-prattiki tal-HR f’kumpaniji globali Ewropej, b’analiżi u sejbiet dwar l-evoluzzjoni ta’ dimensjoni Ewropea tad-djalogu soċjali kemm fil-livell transnazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fis-sussidjarji lokali u r-rwol tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet bħala rabta ewlenija bejn il-livelli differenti tad-djalogu soċjali fi ħdan kumpanija, bħal dik nazzjonali u Ewropea.

(48)  Il-Kummissjoni tal-UE: Rapport dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2009/38/KE dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (tfassil mill-ġdid), Brussell, 14.05.2018 COM (2018) 292 final.

(49)  ĠU C 161, 06.06.2013, p. 35.

(50)  Artiklu abbażi ta’ riċerka tal-Eurofound “Industrial democracy in Europe: a quantitative approach” (Id-demokrazija industrijali fl-Ewropa: approċċ kwantitattiv), Pablo Sanz, Christian Welz, Maria Caprile, Ricardo Rodriguez Contreras, Labour & Industry, Ġunju 2020.

(51)  Il-Ġermanja: ħatra diretta bil-liġi; in-Netherlands: koopzjoni ta’ maniġers indikati mill-ħaddiema; Franza: taħlita ta’ ħatriet diretti u mill-azzjonisti; l-Iżvezja: ħatra ta’ rappreżentanti tat-trade unions, eċċ.

(52)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 500 final, 20. 5. 2020, Is-Semestru Ewropew 2020: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(53)  Noti ta’ Tgħarrif tal-ETUC, Informazzjoni konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema, 15 ta’ Mejju 2020.

(54)  Proposta konġunta tal-imsieħba soċjali transsettorjali Ewropej biex jinħoloq strument finanzjarju speċjali biex jappoġġja lill-imsieħba soċjali waqt il-kriżi tal-COVID-19, indirizzata lill-Viċi President Eżekuttiv, Valdis Dombrovskis, u lill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, 10 ta’ April 2020.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-555 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 27.10.2020–29.10.2020

11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi dwar vetturi ta’ tmiem is-serje tal-kategorija L b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19”

(COM(2020) 491 final – 2020/0251 (COD))

(2021/C 10/04)

Relatur:

Christophe LEFÈVRE

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 14.9.2020

Parlament Ewropew, 14.9.2020

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Deċiżjoni tal-Bureau

15.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

220/3/18

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, li waslet għal waqfien kważi totali tal-bejgħ fl-2020, il-KESE eżamina l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament li jippermetti lill-manifatturi tal-muturi Euro 4 jeħilsu mill-vetturi fl-istokk fil-15 ta’ Marzu 2020, lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2021.

1.2.

Din id-data limitu timponi restrizzjoni fuq il-possibbiltà li jinħeles l-istokk kollu ta’ vetturi li jniġġsu iktar minn vetturi Euro 5, wara l-introduzzjoni tal-istandard Euro 5 obbligatorju fl-1 ta’ Jannar 2021.

1.3.

Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni inizjali tal-obbligu li jinbiegħu muturi skont l-istandards Euro 5 u l-waqfien tal-produzzjoni tal-vetturi Euro 4 ma huma bl-ebda mod ikkontestati minn din il-proposta.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal regolament bħala miżura xierqa u bbilanċjata biex jiġi miġġielda l-impatti ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19 u ż-żarmar għali tal-istokk tal-vetturi Euro 4.

1.5.

Il-proposta toħloq bilanċ bejn l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, imfixkel b’mod sever mill-COVID-19, u l-isforzi kontinwi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bit-triq.

2.   Il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat is-settur tal-muturi, li wassal għal tnaqqis sinifikanti fid-domanda u żieda fil-vetturi fl-istokk minħabba l-lockdown, filwaqt li 60 % tal-bejgħ annwali seħħ bejn Marzu u Lulju. Din il-kriżi affettwat il-kapaċità tal-manifatturi li jżommu ma’ xi wħud mid-dati ta’ skadenza imposti bir-Regolament (UE) Nru 168/2013 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013.

2.2.

Skont dak ir-Regolament, l-istadju Euro 5 tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu se japplika fl-1 ta’ Jannar 2021, li jfisser li minn dik id-data ’l quddiem, fis-suq tal-Unjoni jistgħu jitqiegħdu biss vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti Euro 5.

2.3.

Id-dispożizzjonijiet marbuta mas-sistema ta’ tmiem is-serje għall-vetturi tal-kategorija L tar-Regolament (UE) jipprevedu l-possibbiltà li l-manifatturi jqiegħdu fis-suq parti limitata ta’ stokk ta’ vetturi li d-dħul fis-servizz tagħhom (approvazzjoni tat-tip tal-UE) m’għadux validu.

2.4.

Jekk dan ir-Regolament jipprovdi għal proċess ta’ rimi ta’ stokk ta’ “tmiem is-serje”, dan huwa limitat f’kull Stat Membru għal massimu ta’ 10 % tal-għadd medju ta’ vetturi mibjugħa fis-sentejn ta’ qabel jew 100 vettura. Skont sorsi tal-industrija, huwa stmat li f’Marzu 2020 kien hemm stokk ta’ madwar 553 700 vettura Euro 4.

Minħabba t-tnaqqis ta’ 98 % fil-bejgħ u l-għadd ta’ vetturi fl-istokk, id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar tmiem is-serje mhumiex mekkaniżmu xieraq biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

2.5.

Il-proposta għandha l-għan li tintroduċi deroga li tippermetti lill-manifatturi jqiegħdu fis-suq, fl-2021 biss, vetturi ta’ tmiem is-serje Euro 4 li kienu fl-istokk fil-15 ta’ Marzu 2020, b’volum akbar minn dak previst fir-Regolament oriġinali.

2.6.

Jekk din il-proposta ddewwem l-eliminazzjoni tal-bejgħ ta’ vetturi li jniġġsu aktar mill-ġenerazzjoni l-ġdida, il-flessibbiltà se tkun limitata għal vetturi li diġà ġew prodotti fi żmien il-lockdown. Barra minn hekk, tevita wkoll il-ħtieġa li jiġu skrappjati bla bżonn vetturi li kienu jitqiegħdu fis-suq li kieku ma seħħitx il-kriżi. Din il-proposta mhijiex se tipposponi d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2021, tal-istadju Euro 5 għall-vetturi ġodda kollha li jkunu għadhom kemm ġew prodotti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu u t-titjib tal-kwalità tal-arja u, b’mod partikolari, għall-integrazzjoni tal-istandards tal-emissjonijiet, magħrufa bħala standards Euro, fis-settur tat-trasport. Huwa essenzjali li jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu bħall-monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-mikropartikoli.

3.2.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (2), ivvutata unanimament fid-19 ta’ Jannar 2011, il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-iskadenza proposta mill-Kummissjoni Ewropea (3) għall-introduzzjoni tal-fażijiet ambjentali l-ġodda Euro.

3.3.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-pandemija tal-COVID-19 tirrappreżenta sfida ewlenija għall-maġġoranza l-kbira tas-setturi ekonomiċi Ewropej u b’mod partikolari għas-swieq staġjonali bħall-bejgħ tal-muturi, li ġew affettwati b’mod partikolari mill-miżuri ta’ lockdown introdotti fl-eqqel tal-istaġun.

3.4.

Din is-sitwazzjoni ma ppermettietx lill-manifatturi jbigħu kwantità sodisfaċenti ta’ vetturi Euro 4 li l-validità tagħhom tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020. Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar il-vetturi ta’ tmiem is-serje kif inhuma bħalissa mhux ser jipprovdu appoġġ adegwat lill-industrija tal-muturi biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-kriżi.

3.5.

Il-KESE jqis li huwa għalhekk meħtieġ li tinstab soluzzjoni adatta għad-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom is-settur tal-muturi filwaqt li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li jinbiegħu vetturi fl-istokk mill-15 ta’ Marzu 2020 u l-importanza li ma jiġix pospost id-dħul fis-seħħ tal-istandard Euro 5 mill-1 ta’ Jannar 2021.

3.6.

Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-vetturi tal-kategorija L ta’ tmiem is-serje għall-2021, li l-KESE jqis bħala miżura xierqa u bbilanċjata biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġu żgurati l-isforzi kontinwi biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bit-triq.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli.

(2)  COM(2010) 542 final; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 84, 17.3.2011, p. 30.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, il-governanza tal-prodotti u l-limiti ta’ pożizzjoni għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19”

(COM(2020) 280 final — 2020/0152 (COD))

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-prospett ta’ Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji biex jgħinu l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19”

(COM(2020) 281 final — 2020/0155 (COD))

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2402 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata biex jgħin l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19”

(COM(2020) 282 final — 2020/0151 (COD))

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19”

(COM(2020) 283 final — 2020/0156 (COD))

(2021/C 10/05)

Relatur Ġenerali:

Giuseppe GUERINI

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 27.08.2020 (COM(2020) 281 final, COM(2020) 282 final u COM(2020) 283 final).

Parlament Ewropew, 14.09.2020 (COM(2020) 281 final, COM(2020) 282 final u COM(2020) 283 final).

Kummissjoni Ewropea, 23.09.2020 (COM(2020) 280 final).

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

246/0/8

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja u jaqbel mal-proposti tal-emendi għad-Direttiva dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji li jinsabu fil-pakkett dwar l-irkupru tas-swieq kapitali, li huma s-suġġett ta’ din l-Opinjoni. L-emendi li jinsabu fihom għandhom l-għan li jissemplifikaw b’mod sostanzjali d-dokumentazzjoni u r-rekwiżiti li jirregolaw is-swieq finanzjarji, u b’mod speċifiku d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva MiFID II (id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji). Madankollu, peress li l-pakkett ta’ emendi oriġinarjament kien jinkludi erba’ miżuri ta’ emendi differenti, din l-Opinjoni tqis li huwa xieraq li tiġi eżaminata l-iskema ta’ semplifikazzjoni kollha kemm hi, li hija mfassla mhux biss biex tissemplifika d-Direttiva MiFID II iżda b’mod aktar ġenerali biex tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-operaturi bankarji u finanzjarji u b’hekk tillibera r-riżorsi għall-investiment fl-irkupru ekonomiku.

1.2.

Il-KESE japprova l-proposti tal-Kummissjoni u jaqbel mal-għanijiet tal-pakkett ta’ riforma propost minnha. Għandu jsir kull sforz biex ikun hemm innovazzjoni fir-rigward tar-regoli sabiex: i) jiġi ffaċilitat l-investiment fl-ekonomija reali; ii) tingħata preferenza għall-għoti ta’ self lil individwi u lill-SMEs, u iii) tiġi mħeġġa r-rikapitalizzazzjoni ta’ negozji Ewropej u t-tisħiħ tar-rwol tas-swieq tat-titoli.

1.3.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir is-semplifikazzjoni ta’ wħud mill-piżijiet imposti mir-regolamentazzjoni finanzjarja fuq kontropartijiet eliġibbli u investituri professjonali, filwaqt li jissekonda l-appoġġ għal dan li diġà wrew l-operaturi tas-settur bankarju.

1.4.

Fir-rwol tiegħu li jirrappreżenta lill-konsumaturi u lis-soċjetà ċivili, u filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa li jiġu protetti wkoll dawk li jfaddlu u l-investituri mhux professjonali, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li, bl-emendi mmirati, tfittex li tibqa’ tagħti livell għoli ta’ attenzjoni lir-regolamentazzjoni, filwaqt li tfittex bilanċ ġust bejn il-ħtiġijiet tal-kategoriji differenti ta’ investituri. Is-semplifikazzjoni tar-regoli m’għandhiex tnaqqas is-salvagwardji għal dawk li jfaddlu u għall-investituri b’inqas esperjenza, u għandha tinżamm distinzjoni bejnhom u l-operaturi professjonisti.

1.5.

Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità, u tevita l-ħela ta’ riżorsi materjali, billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-produzzjoni ta’ dokumentazzjoni stampata dwar l-investiment favur għodod diġitali, li jiżguraw interazzjoni aktar rapida u aktar sikura bejn l-operaturi u l-klijenti, kif ukoll jiffaċilitaw il-preservazzjoni tad-dokumentazzjoni u jiżguraw sostenibbiltà ambjentali aħjar.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’mod speċjali l-għan li t-titolizzazzjonijiet li jittrattaw skoperturi improduttivi jsiru aktar sempliċi. Dan l-iżvilupp tar-regoli jippermetti lill-banek inaqqsu l-pressjoni fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, filwaqt li jżidu l-kapaċità ta’ self tagħhom fi żmien meta din il-kapaċità tkun essenzjali.

1.7.

Għalhekk, il-KESE jqis li l-intervent tal-Kummissjoni għandu jkun saħansitra usa’ minn dak propost. Il-qafas regolatorju attwalment fis-seħħ biex jiżgura self improduttiv kien strutturat qabel il-pandemija, u fih riġiditajiet li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-ekonomija reali, u b’mod partikolari fuq l-SMEs, fil-kuntest ekonomiku attwali li jinsab mhedded mill-pandemija.

1.8.

Dawn ir-riġiditajiet, b’mod partikolari dawk relatati mal-iskeda ta’ żmien għall-banek biex jiddisponu minn skoperturi improduttivi, iridu jiġu ġestiti b’attenzjoni sabiex jiġi żgurat li s-semplifikazzjoni proposta ma tkunx ta’ benefiċċju bla bżonn għall-operaturi li jispeċjalizzaw fit-trattament tas-self improduttiv, u b’hekk il-kumpaniji jitqiegħdu f’diffikultà (ulterjuri) jekk il-banek jiġu mħeġġa jeħilsu minn dan is-self fi żmien qasir wisq.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-pakkett, li fih l-emendi proposti għar-regolamentazzjoni finanzjarja, tressaq mill-Kummissjoni Ewropea fl-24 ta’ Lulju 2020 u jsegwi sensiela ta’ miżuri adottati f’dawn l-aħħar xhur dwar kwistjonijiet bankarji u finanzjarji mmirati biex jistimulaw irkupru effettiv mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

2.2.

L-ewwel sett ta’ miżuri mressaq f’din l-istrateġija ffukaw fuq is-settur bankarju, u kellhom l-għan li jħeġġu u jappoġġjaw is-self mill-banek lill-unitajiet domestiċi u n-negozji fl-UE kollha biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi tal-impatt tal-pandemija fuq setturi differenti tal-produzzjoni.

2.3.

Min-naħa l-oħra, l-emendi li jinsabu fil-pakkett ta’ miżuri propost fl-24 ta’ Lulju huma mmirati lejn is-swieq kapitali, bil-għan li jippromovu l-investiment, iżidu l-kapitalizzazzjoni tan-negozji u jżidu l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-irkupru ekonomiku.

2.4.

Il-pakkett propost mill-Kummissjoni jindirizza bidliet speċifiċi u ta’ semplifikazzjoni għal erba’ miżuri importanti ta’ regolamentazzjoni bankarja u finanzjarja: id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II), ir-Regolament dwar il-Prospett, ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR). Għal din ir-raġuni, għalkemm is-suġġett ewlieni ta’ din l-Opinjoni huwa d-Direttiva MiFID II, tqies li huwa importanti li tingħata Opinjoni dwar il-pakkett kollu kemm hu, peress li l-effettività u l-utilità tal-inizjattiva tal-Kummissjoni jidhru li huma aktar evidenti meta jitqiegħdu fil-perspettiva ta’ qafas komprensiv tal-emendi.

2.5.

Il-miżuri biex jissemplifikaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti mid-Direttiva MiFID II kienu diġà ppjanati għall-2021 u l-2022, u għalhekk il-Kummissjoni diġà kienet wettqet konsultazzjoni pubblika għal dan il-għan. Il-KESE jqis opportun li dawn l-emendi jiġu antiċipati sabiex l-ispejjeż ta’ konformità marbuta mal-implimentazzjoni tar-regoli tal-MiFID II jitnaqqsu malajr, fi stadju kritiku għall-ekonomija Ewropea.

2.6.

L-emendi proposti għar-Regolament (UE) 2017/1129 dwar il-prospett, permezz tal-promozzjoni ta’ Prospett ta’ Rkupru tal-UE u l-aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji stabbiliti fil-pakkett tal-Kummissjoni Ewropea, jintroduċu semplifikazzjonijiet estensivi mmirati lejn it-tnaqqis tat-tul tal-prospetti għal 30 paġna, li fil-preżent jistgħu jammontaw għal aktar minn mitt paġna.

2.7.

Min-naħa l-oħra, bl-emendi għar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital, il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb l-għodod disponibbli għas-sistema bankarja tal-UE sabiex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-ekonomija reali. Dawn il-miżuri jsegwu l-proposta preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu emendati r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.

2.8.

Il-proposta tal-Kummissjoni li hija ffukata fuq it-titolizzazzjoni ta’ self improduttiv, għandha l-għan li tiffavorixxi l-possibbiltà li s-self improduttiv jiġi ttrasformat f’titoli negozjabbli. Din it-titolizzazzjoni għandha għalhekk tillibera kapital bankarju għal aktar self u tippermetti li firxa usa’ ta’ investituri jiffinanzjaw l-irkupru ekonomiku.

2.9.

F’termini ġenerali, il-proposti tal-Kummissjoni jsegwu semplifikazzjoni effettiva tad-dokumentazzjoni tal-investiment sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, u b’hekk jiġu liberati r-riżorsi għall-investiment fi rkupru ekonomiku fil-pront.

3.   Kummenti speċifiċi u ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposti tal-Kummissjoni u japprova l-għanijiet tagħha. Jeħtieġ li jsir kull sforz regolatorju sabiex: (i) jiġi ffaċilitat l-investiment fl-ekonomija reali; (ii) jitħeġġeġ l-għoti ta’ self lill-individwi u l-SMEs; (iii) jitħeġġu r-rikapitalizzazzjoni ta’ negozji Ewropej u t-tisħiħ tar-rwol tas-swieq tat-titoli biex jgħinu l-irkupru.

3.2.

Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li tittaffa parti mill-piż tar-regolamentazzjoni finanzjarja fuq il-kontropartijiet eliġibbli u l-investituri professjonali. F’dan is-sens, l-objettiv tal-Kummissjoni ta’ semplifikazzjoni diġà ntlaqa’ tajjeb mill-operaturi bankarji.

3.3.

Bħala rappreżentant tal-konsumaturi u tas-soċjetà ċivili, il-KESE japprezza d-deċiżjoni li jinżamm il-livell limitu regolatorju biex jiġu protetti dawk li jfaddlu u l-investituri mhux professjonali, filwaqt li jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet differenti. Huwa ċar li s-semplifikazzjoni regolatorja m’għandhiex tnaqqas is-salvagwardji għal dawk li jfaddlu u għall-investituri b’inqas esperjenza, u għandha tinżamm distinzjoni bejnhom u l-operaturi professjonisti u l-kontropartijiet kwalifikati.

3.4.

Kif ġie ddikjarat reċentement fir-rapport maħruġ mill-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-KESE jappella għal reviżjoni komprensiva tar-regoli bankarji u finanzjarji tal-UE biex jiġu eliminati d-duplikazzjonijiet u d-diverġenzi fis-settur u, fuq kollox, biex jiġu sostitwiti d-dispożizzjonijiet (imfassla biex jipproteġu s-sikurezza ta’ dawk li jfaddlu) li wrew li huma ineffettivi, b’ħafna spejjeż u jippenalizzaw lill-operaturi finanzjarji kif ukoll lill-investituri.

3.5.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità u l-ħela ta’ riżorsi materjali, billi tnaqqas b’mod sinifikanti l-produzzjoni ta’ dokumenti stampati favur forom ta’ interazzjoni diġitali. L-għodod diġitali jistgħu jiżguraw interazzjoni aktar rapida u sikura bejn l-operaturi u l-klijenti, filwaqt li jiffaċilitaw iż-żamma fit-tul tad-dokumentazzjoni u jiżguraw sostenibbiltà ambjentali aħjar.

3.6.

Jappoġġja wkoll il-miżuri li jissemplifikaw l-ispejjeż u t-tariffi anċillari għall-investimenti, li jiddistingwu bejn livelli differenti ta’ rekwiżiti ta’ divulgazzjoni skont jekk il-kontropartijiet humiex eliġibbli jew le. Anke f’dan l-aspett propizju u speċifiku, jeħtieġ li jinstab bilanċ ġust bejn il-ħtieġa għas-semplifikazzjoni u l-ħtieġa għal protezzjoni adegwata ta’ dawk li jfaddlu u tal-investituri mhux professjonali.

3.7.

Fost l-aspetti l-aktar importanti introdotti mill-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva MiFID II, il-KESE jenfasizza dawk li jikkonċernaw il-limiti u l-iħħeġġjar għal investimenti f’derivattivi finanzjarji fil-qasam tal-enerġija; madankollu, iqis li jkun utli jekk il-miżura dwar l-użu tal-eżenzjonijiet tal-iħħeġġjar għad-derivattivi tal-enerġija tkun tista’ tipprovdi forom ta’ inċentivi għall-investimenti fl-enerġija rinnovabbli.

3.8.

Il-KESE japprova d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonferma r-regoli li jillimitaw ir-rikors għall-iħħeġġjar bl-użu ta’ strumenti finanzjarji derivati minn investimenti fi prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Dan għaliex, għalkemm huwa importanti u meħtieġ li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ swieq ġodda billi jitħeġġeġ l-investiment anke permezz ta’ strumenti finanzjarji, il-prodotti agrikoli ddeżinjati bħala sinifikanti jistħoqqilhom attenzjoni speċjali sabiex jiġi evitat, pereżempju, li jiġu ppremjati użi li mhumiex alimentari.

3.9.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li fost il-bidliet proposti hemm is-semplifikazzjoni tal-prospetti, tar-rapporti ta’ informazzjoni u tar-rapporti perjodiċi kollha, li tista’ twassal għall-iffrankar meħtieġ biex jiġu promossi investimenti alternattivi, inkluż permezz ta’ użu akbar ta’ għodod diġitali.

3.10.

It-tnaqqis tat-tul tal-prospetti huwa pass daqstant pożittiv, peress li jnaqqas l-ispiża tal-konformità meta mqabbla ma’ dokumenti li ħafna drabi, fil-prattika, kienu twal wisq u diffiċli biex jinftiehmu għal dawk li jfaddlu b’inqas esperjenza. Għalhekk, il-KESE jittama li jkun hemm semplifikazzjoni doppja, kemm fir-rigward tar-riżorsi ddedikati għall-informazzjoni kif ukoll, fuq kollox, fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lil dawk li jfaddlu.

3.11.

Semplifikazzjoni komprensiva tas-settur, kif muri fil-mudell il-ġdid tal-“prospett ta’ Rkupru tal-UE”, tista’ tħeġġeġ l-influss ta’ likwidità għan-negozji u l-irkupru ta’ livelli ta’ kapital li ntilfu matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan jiffaċilita wkoll il-ħruġ ta’ ishma ġodda minn naħa ta’ negozji b’kapitalizzazzjoni medja u żgħira, u b’hekk jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-kapital mingħajr ma tiġi rinunzjata l-protezzjoni meħtieġa għal dawk li jfaddlu.

3.12.

L-emenda li tipproponi li jiżdied il-limitu għall-eżenzjoni mill-prospett għal titoli mingħajr ekwità miġbura minn negozji permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, minn EUR 75 miljun għal EUR 150 miljun, tidher partikolarment utli biex tippromovi r-rwol attiv min-naħa tal-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-iffaċilitar tal-irkupru. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi li din iż-żieda fil-limitu tal-eżenzjoni mill-prospett hija temporanja. Madankollu, il-KESE jemmen li, fejn il-miżura tiffavorixxi diversifikazzjoni effettiva tal-forom ta’ finanzjament tan-negozji billi tqarreb lill-SMEs lejn is-suq kapitali, ikun xieraq li l-miżura tissokta wara l-perjodu ta’ kriżi.

3.13.

Il-KESE japprezza l-għan li jiġu ssemplifikati t-titolizzazzjonijiet billi jingħatalhom trattament prudenzjali inqas strett fir-rigward tas-self improduttiv, u b’hekk il-banek ikunu jistgħu jnaqqsu l-pressjoni minn fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, u b’hekk tiżdied il-kapaċità ta’ self tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li din is-semplifikazzjoni ma tirriżultax biss f’benefiċċju għan-negozji li jispeċjalizzaw fit-trattament tas-self improduttiv, filwaqt li toħloq diffikultajiet addizzjonali għan-negozji jekk il-banek ibigħu s-self improduttiv malajr wisq.

3.14.

B’referenza partikolari għall-proposti dwar it-titolizzazzjoni tas-self improduttiv, il-KESE, filwaqt li jikkondividi l-objettiv tal-proposti tal-Kummissjoni, jemmen li l-azzjoni trid tkun aktar ambizzjuża minn dik proposta.

3.15.

Fil-fatt, il-proposti l-aktar reċenti mressqa mill-Kummissjoni, ġustament, għandhom it-tendenza li jintroduċu regoli speċifiċi għal skoperturi improduttivi, bil-għan li jiddifferenzjawhom f’xi aspetti minn dawk tas-self produttiv. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-qafas regolatorju attwali dwar is-self improduttiv huwa kkaratterizzat minn riġiditajiet li jista’ jkollhom impatt qawwi fuq l-ekonomija reali, b’mod partikolari fuq l-SMEs, speċjalment fil-kuntest ekonomiku attwali, li jinsab mhedded mill-pandemija.

3.16.

B’mod partikolari, issir referenza għar-“regolament dwar il-garanzija ta’ kontinġenza għal self improduttiv (NPLs Backstop regulation)”, li jirrikjedi li s-self improduttiv jiġi żvalutat f’perjodu ta’ żmien strett u ftit li xejn iqis (jew ma jqis xejn) il-valur ekonomiku reali tal-garanziji fuq dan l-istess self. Jekk qabel il-pandemija, qafas bħal dan diġà deher diffiċli li jiġi rikonċiljat mar-realtà tas-suq sekondarju għal self improduttiv, huwa faċli li wieħed jimmaġina li fl-ambjent ekonomiku ta’ wara l-pandemija dan jista’ jkun saħansitra aktar problematiku. Għalhekk huwa xieraq, tal-inqas temporanjament, li jiġu sospiżi jew definiti mill-ġdid il-kurvi ta’ proviżjonament previsti fir-regolament dwar il-garanzija ta’ kontinġenza għal self improduttiv. Ir-regola “past due” ta’ 90 jum jenħtieġ li tiġi llaxkata temporanjament minħabba l-kriżi tal-COVID-19, sabiex jiġi evitat l-impatt soċjali negattiv ta’ perjodu qasir ta’ żmien bħal dan.

3.17.

Il-KESE huwa konxju li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea stabbilita fil-pakkett ta’ emendi maħsuba biex jiffaċilitaw l-irkupru tas-suq kapitali għandha l-għan li tindirizza l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, madankollu, irridu nindikaw il-fatt li r-regoli dwar il-kopertura minima tas-self improduttiv stabbiliti fir-Regolament 2019/630 tal-Parlament u tal-Kunsill fil-preżent m’għadhomx adegwati biex jindirizzaw l-effetti ekonomiċi tal-pandemija u għalhekk jenħtieġ li jiġu llaxkati temporanjament.

3.18.

Minbarra l-proposti tal-Kummissjoni dwar is-self titolizzat, jenħtieġ li t-trattament tas-self improduttiv mixtri minn istituzzjonijiet speċjalizzati u istituzzjonijiet finanzjarji, mingħajr rikors għat-titolizzazzjonijiet, isir ukoll aktar effiċjenti milli huwa l-każ bħalissa skont ir-regoli prudenzjali attwali, billi jittejjeb l-Artikolu 127 tar-Regolament CRR. Il-qafas legali attwali joħloq diżinċentiv paradossali minħabba l-assorbiment eċċessiv tal-kapital min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jixtru self improduttiv fis-suq sekondarju.

3.19.

Dan jirriżulta f’vantaġġ għal fondi speċjalizzati għall-akkwist ta’ self improduttiv, li f’xi każijiet huma miżmuma minn operaturi finanzjarji barra mill-Ewropa li mhumiex soġġetti għall-qafas regolatorju tal-UE u għar-Regolament CRR. Dan iwassal għal paradoss, li jmur kontra l-prinċipju ta’ “l-istess riskji, l-istess regoli”, jiġifieri li l-enfasi tal-UE fuq ir-regolamentazzjoni interna x’aktarx li tkun ta’ benefiċċju għal dawk li joperaw fis-Suq Uniku Ewropew filwaqt li jżommu l-uffiċċju reġistrat u l-kapital tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea u, tal-anqas parzjalment, barra mis-sistema ta’ regoli tagħha.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu”

(COM(2020) 337 final – 2020/0154 (COD))

(2021/C 10/06)

Relatur Ġenerali:

Christophe LEFÈVRE

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28.8.2020

Parlament Ewropew, 14.9.2020

Bażi legali

Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Deċiżjoni tal-Bureau

14.7.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

244/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Bħala segwitu tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Opinjonijiet tal-KESE (1), u filwaqt li jieħu nota b’mod partikolari tal-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-LIBOR (2), il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-arranġamenti għall-funzjonament tal-operaturi finanzjarji fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali, fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu.

1.2

Dawn il-proposti mhux biss jipprovdu rispons dirett għall-konsegwenzi tal-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-LIBOR u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, iżda fl-istess ħin jipprevedu l-integrazzjoni tas-sitwazzjoni tal-parametri referenzjarji f’pajjiżi li għalihom ir-rata tal-kambju mhijiex liberament konvertibbli, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-kisba ta’ objettivi usa’.

1.3

Il-KESE jemmen li Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona tajjeb tirrikjedi li dawn is-swieq ikunu sikuri, stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet. F’dan ir-rigward, il-waqfien tal-LIBOR se jkollu konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti ħafna, peress li għadd konsiderevoli ta’ kuntratti ma pprevedewx mekkaniżmu alternattiv bil-ħsieb li titneħħa r-referenza għal-LIBOR sa tmiem l-2021.

1.4

Għalhekk huwa importanti ferm u ta’ prijorità li tiġi organizzata s-sostituzzjoni tar-referenza għal-LIBOR, u fl-istess ħin il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-proċess billi tadotta Regolament Ewropew li jinnewtralizza r-riskji ta’ leġiżlazzjoni differenti li jistgħu jiġu osservati matul proċess ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva.

1.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-bidliet proposti għal dawn il-parametri referenzjarji se jintroduċu setgħa legali li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tidentifika rata ta’ sostituzzjoni meta parametru referenzjarju, li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-UE, ma jibqax jiġi ppubblikat.

1.6

Il-KESE jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-fatt li, skont il-liġi, ir-rata ta’ sostituzzjoni legali se tissostitwixxi r-referenzi kollha għall-“parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf” fil-kuntratti kollha konklużi minn entità taħt is-superviżjoni tal-UE.

1.7

Is-KESE iqis li huwa rilevanti li għal kuntratti li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw rati ta’ sostituzzjoni legali nazzjonali.

1.8

Fl-aħħar nett, sabiex tiġi vverifikata l-adegwatezza tal-eżenzjoni l-ġdida, il-KESE jaqbel li l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet sorveljati għandhom jintalbu jirrapportaw perjodikament lill-Kummissjoni dwar l-użu mill-intrapriżi tal-UE tal-parametri referenzjarji ikkonċernati minn din l-eżenzjoni u dwar l-evoluzzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-entitajiet taħt superviżjoni f’termini ta’ esponiment għall-fluttwazzjonijiet fil-muniti ta’ pajjiżi terzi.

1.9

Id-deċiżjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (3), iżda l-KESE jistaqsi dwar il-fatt li jekk wieħed iħares lejn l-attività globali, l-Unjoni Ewropea tidher li hija l-unika ġurisdizzjoni li tipprova tirregola l-mekkaniżmu tal-funzjonament tal-indiċijiet tar-rati tal-kambju spot.

1.10

Naturalment, il-KESE jirrakkomanda l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-integrazzjoni tiegħu fil-livell tas-swieq finanzjarji. Għall-KESE huwa essenzjali li r-regoli kkonċernati jikkontribwixxu b’mod konkret u dirett għall-kisba tal-għanijiet u jipproduċu effetti pożittivi għall-partijiet kollha kkonċernati u fl-Istati Membri kollha.

2.   Kuntest

2.1

Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 jipprevedi rieżami tar-Regolament dwar il-parametri finanzjarji użati bħala parametri referenzjarji biex jiġi ddeterminat l-ammont li għandu jitħallas taħt strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew il-valur ta’ strument finanzjarju. Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-parteċipanti fis-swieq kapitali fil-parametri li jservu bħala parametri referenzjarji fl-Unjoni, ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jistabbilixxi standards għall-governanza u l-kwalità tad-data għall-parametri referenzjarji użati fil-kuntratti finanzjarji. Dan jikkontribwixxi għall-isforzi tal-Kummissjoni favur l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

2.2

Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jintroduċi obbligu ta’ awtorizzazzjoni għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji finanzjarji, jimponi rekwiżiti fuq il-kontributuri li jipprovdu data tal-input użata għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju finanzjarju u jirregola wkoll l-użu tal-parametri referenzjarji finanzjarji. Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji jirrikjedi li l-entitajiet taħt superviżjoni tal-UE (bħal banek, intrapriżi tal-investiment, intrapriżi tal-assigurazzjoni, impriża ta’ investiment kollettiv f'titoli trasferibbli – UCITS) jużaw biss indiċijiet li għalihom l-amministratur huwa awtorizzat. Il-parametri referenzjarji amministrati f’pajjiżi terzi jistgħu jintużaw biss fl-UE wara proċedura ta’ ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni.

2.3

Ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji ilu applikabbli minn Jannar 2018. Madankollu, sakemm ir-reġim tranżizzjonali jiskadi fl-aħħar ta’ Diċembru 2021, il-parteċipanti tas-suq tal-UE jistgħu jkomplu jużaw parametri referenzjarji amministrati f’pajjiż barra mill-Unjoni irrispettivament minn jekk hemmx deċiżjoni ta’ ekwivalenza fis-seħħ jew jekk l-indiċi ġiex rikonoxxut jew approvat għall-użu fl-Unjoni.

2.4

L-ewwel nett, l-emendi proposti fil-proposta leġiżlattiva, li hija s-suġġett ta’ din l-Opinjoni tal-KESE dwar dawn il-parametri referenzjarji, se jintroduċu setgħa legali, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tidentifika rata ta’ sostituzzjoni meta punt ta’ riferiment, li l-waqfien tiegħu jfixkel b’mod sinifikanti l-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni ma jibqax jiġi ppubblikat.

2.5

It-tieni nett, ir-rata statutorja ta’ sostituzzjoni, bl-operat tal-liġi, se tissostitwixxi r-referenzi kollha għall-“parametru referenzjarju li jkun se jitwaqqaf” fil-kuntratti kollha konklużi minn entità taħt is-superviżjoni tal-UE.

2.6

It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntratti li ma jinvolvux entità taħt superviżjoni tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw rati ta’ sostituzzjoni legali nazzjonali.

2.7

Fl-aħħar nett, sabiex tiġi vverifikata l-adegwatezza tal-eżenzjoni l-ġdida, l-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet sorveljati għandhom jintalbu jirrapportaw perjodikament lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu mill-intrapriżi tal-UE tal-parametri referenzjarji kkonċernati minn din l-eżenzjoni u dwar l-evoluzzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-entitajiet taħt superviżjoni f’termini ta’ skopertura għall-fluttwazzjonijiet fil-muniti ta’ pajjiżi terzi.

3.   Kummenti

3.1

Bħala segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjonijiet tal-KESE (4), u filwaqt li jinnota b’mod partikolari l-waqfien tal-pubblikazzjoni tal-LIBOR, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni biex tinżamm kontinwità fid-dispożizzjonijiet operattivi tal-operaturi finanzjarji fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ parametri referenzjarji ta’ sostituzzjoni minflok ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu.

3.2

Dawn il-proposti mhumiex biss rispons dirett għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, iżda jipprovdu wkoll opportunità biex tiġi inkluża s-sitwazzjoni tal-parametri referenzjarji f’pajjiżi fejn ir-rata tal-kambju mhijiex liberament konvertibbli, u b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-kisba ta’ objettivi usa’.

3.3

Fil-fatt, dawn jippermettu li jitqies l-użu ta’ parametri referenzjarji tar-rata tal-kambju biex ikopru l-volatilità tal-munita ta’ pajjiżi terzi, il-pagament ta’ kuntratti tad-derivattivi f’munita li mhijiex il-munita b’konvertibilità limitata, b’mod partikolari meta l-munita tal-pajjiż terz ma tkunx liberament konvertibbli.

3.4

Din ir-riforma hija essenzjali biex takkumpanja l-iżvilupp brutali, b’rabta mal-Brexit, tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali fir-rigward tal-Unjoni Bankarja, biex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u biex tgħin fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri f’ambjent globali li qed jevolvi.

3.5

Ir-riforma tal-parametri referenzjarji vitali, bħar-rati IBOR (5), saret prijorità ewlenija fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.

3.6

L-objettiv li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tiffunzjona tajjeb jirrikjedi li dawn is-swieq ikunu sikuri, stabbli u reżiljenti għax-xokkijiet. Bħala tali, l-impatt tal-waqfien ta’ LIBOR, anke jekk huwa parti minn telf gradwali tar-rappreżentattività tas-suq jew tar-realtà ekonomika tal-prodotti sottostanti li suppost ikejjel, se jkollu konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti ħafna peress li għadd konsiderevoli ta’ kuntratti ma fihomx dispożizzjonijiet ta’ riżerva biex ikopru l-perjodu sa tmiem l-2021, meta l-LIBOR mhux se tibqa’ tintuża bħala referenza.

3.7

Għalhekk huwa importanti ferm u ta’ prijorità li tiġi organizzata s-sostituzzjoni tar-referenza għal-LIBOR, u fl-istess ħin il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-proċess billi tadotta Regolament Ewropew li jinnewtralizza r-riskji ta’ leġiżlazzjoni differenti li jistgħu jiġu osservati matul proċess ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva.

3.8

Għall-intrapriżi u l-komunitajiet, li ġew ikkonsultati minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea, l-adozzjoni ta’ parametri referenzjari tgħin biex jiġu żgurati tranżazzjonijiet transfruntiera fis-suq u jissaħħu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, speċjalment għal pajjiżi b’rata tal-kambju li għadha regolata wisq.

3.9

Din il-bidla regolatorja qed isseħħ biex jiġi indirizzat riskju sistemiku importanti ħafna: it-tipi ta’ kuntratti li se jiġu affettwati mill-waqfien ta’ parametru referenzjarju tar-rata tal-imgħax użat b’mod wiesa’ jinkludu:

a)

ħruġ ta’ dejn minn entitajiet taħt superviżjoni;

b)

djun miżmuma fuq il-karta tal-bilanċ ta’ entitajiet taħt superviżjoni;

c)

self;

d)

depożiti u

e)

kuntratti tad-derivattivi.

Parti sostanzjali ta’ kuntratti finanzjarji li jirreferu għal parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax użati b’mod wiesa’ huma relatati ma’ entitajiet taħt superviżjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji.

3.10

L-inċertezza legali u l-impatt ekonomiku negattiv potenzjali li jistgħu jirriżultaw minn diffikultajiet fl-infurzar tal-obbligi kuntrattwali attwali se joħolqu riskju għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni:

min-naħa tagħhom, il-konsumaturi, l-intrapriżi żgħar, medji u kbar u l-investituri se jkunu jistgħu jiġu żgurati protezzjoni akbar, u l-proposta tintroduċi diversi strumenti biex jiġi żgurat li l-eliminazzjoni ta’ rata interbankarja użata b’mod wiesa’ ma taffettwax bla bżonn il-kapaċità tas-settur bankarju li jipprovdi finanzjament lill-intrapriżi tal-UE u għalhekk ma tfixkilx objettiv ewlieni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

f’dan ir-rigward, il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġu analizzati wkoll il-punti li ġejjin b’rabta mal-proposta tal-Kummissjoni:

i)

il-premessi u l-memorandum ta’ spjegazzjoni donnhom jimmiraw firxa wiesgħa ta’ kuntratti li jużaw parametri referenzjarji finanzjarji, inklużi l-kuntratti ta’ kreditu (jew faċilitajiet ta’ self simili) konklużi ma’ persuni ġuridiċi jew oħrajn (u mhux biss mal-konsumaturi): f'dan ir-rigward, nirreferu għat-taqsima dwar “L-iskop tar-rata ta’ sostituzzjoni statutorja”;

ii)

it-test tal-proposta tal-Kummissjoni li jistabbilixxi s-sostituzzjoni permezz tat-tħaddim tal-liġi, f’dan il-każ l-Artikolu 23(a)(2), jirreferi għall-kunċett ta’ “kuntratti finanzjarji”, li d-definizzjoni tagħhom fir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji (Artikolu 3(1)(18)) tirreferi biss għal kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ persuni fiżiċi (konsumaturi), b’kont meħud tar-referenzi magħmula għad-Direttivi 2014/17/UE u 2008/48/KE;

iii)

biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ix-xewqa espressa fil-memorandum ta’ spjegazzjoni u t-test tal-proposta, aħna nqisu li huwa utli li jiġu analizzati r-referenza u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratti finanzjarji”, sabiex dan ma jkoprix biss il-kuntratti ta’ kreditu konklużi mal-konsumaturi, iżda jiggarantixxi wkoll mekkaniżmu effettiv ta’ sostituzzjoni permezz tat-tħaddim tal-liġi anke fil-każ ta’ kuntratti konklużi ma’ parteċipanti oħra fis-suq;

il-KESE jqis li s-setgħat ta’ sostituzzjoni għandhom jiġu estiżi għall-kuntratti kollha skont il-liġi ta’ Stat Membru tal-UE, kif ukoll għall-kuntratti konklużi bejn entitajiet stabbiliti fl-UE li huma rregolati minn liġi mhux tal-UE, fejn dik il-liġi ta’ dak il-pajjiż terz ma tipprovdix sostituzzjoni statutorja għal parametru referenzjarju sospiż;

Il-miżuri proposti għandhom jitqiesu bħala li jikkontribwixxu għal “ekonomija Ewropea li taħdem għan-nies” (Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2020). Din l-inizjattiva hija ta’ benefiċċju għas-self mill-banek lill-klijenti konsumaturi li huma indiċjati mar-rati IBOR, element importanti ta’ ekonomija li taqdi l-ħtiġijiet tan-nies.

3.11

Peress li fil-premessa 10, il-proposta għal emenda tiddikjara li għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet mill-gruppi ta’ ħidma, u li għallinqas, fir-rigward tat-tranżizzjoni minn “Eonia” (Euro Overnight Index Average) għal “€STR” (Euro short-term rate), il-grupp ta’ ħidma relatat irrakkomanda li din it-tranżizzjoni ssir għal €STR flimkien mal-firxa, il-KESE jqis li jkun utli li jiġi kkonfermat li l-“parametru referenzjarju” għandu jinftiehem bħala l-“parametru l-ġdid flimkien mal-firxa”.

3.12

Il-KESE jqis li jkun utli li jiġi ċċarat it-terminu “tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni”. F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-premessa 4, nistgħu nifhmu li l-waqfien ta’ LIBOR jaqa’ f’din il-kategorija, jekk inħarsu lejn il-futur u nqisu li f’xi mument ikun possibbli li l-EURIBOR jgħib, huwa xieraq li jiġi rakkomandat li dan il-kunċett jiġi definit.

3.13

Il-KESE jemmen li jkun utli wkoll li jiġi indikat f’liema qafas il-Kummissjoni Ewropea ser teżerċita dan id-dritt, f’dan il-każ f’liema l-punt ta’ riferiment ta’ sostituzzjoni ser jiġi deżinjat ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti jkunu ġew sodisfatti.

3.14

Kjarifika utli oħra tkun li jiġi ċċarat il-grad ta’ extraterritorjalità tal-applikazzjoni ta’ dik il-miżura jew, fi kliem ieħor, li jiġi indikat li din tapplika meta waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni jkollha s-sede tagħha f’wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-kuntratt, u dwar dan il-punt il-KESE jirreferi b’mod partikolari għall-kuntratti konklużi skont il-liġi Ingliża, li, fl-1 ta’ Jannar 2021, ser issir dik ta’ pajjiż terz, barra mill-Unjoni Ewropea.

3.15

Ir-riforma tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji hija għalhekk il-mezz xieraq biex tiġi stabbilita rata ta’ sostituzzjoni statutorja li timmitiga kwalunkwe konsegwenza negattiva għaċ-ċertezza legali u l-istabbiltà finanzjarja li tista’ tirriżulta jekk LIBOR, jew kwalunkwe parametru referenzjarju ieħor li l-waqfien tiegħu jirriżulta fi tfixkil sinifikanti fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, ma titkompliex mingħajr ma tali rata ta’ sostituzzjoni tkun disponibbli u integrata f’kuntratti eżistenti li jinvolvu entitajiet taħt superviżjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

3.16

Id-deċiżjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, iżda l-KESE jistaqsi dwar il-fatt li jekk wieħed iħares lejn l-attività globali, l-Unjoni Ewropea tidher li hija l-unika ġurisdizzjoni li tipprova tirregola l-mekkaniżmu għall-funzjonament tal-parametri referenzjarji tar-rati tal-kambju spot.

3.17

Naturalment, il-KESE jirrakkomanda l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-integrazzjoni tiegħu fil-livell tas-swieq finanzjarji. Għall-KESE huwa essenzjali li r-regoli kkonċernati jikkontribwixxu b’mod konkret u dirett għall-kisba tal-għanijiet u jipproduċu effetti pożittivi għall-partijiet kollha kkonċernati u fl-Istati Membri kollha.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Riforma (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63), Finanzjament sostenibbli: Tassonomija u Punti ta’ Referenza (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103) u Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Proposta emendata għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 58).

(2)  Il-LIBOR (London Interbank Offered Rate – Ir-rata Interbankarja Offruta ta’ Londra) isservi bħala r-rata tal-imgħax normattiva ewlenija rikonoxxuta internazzjonalment għall-kalkolu tal-ispejjeż tas-self interbankarju.

(3)  Grupp Ekonomiku Internazzjonali stabbilit fil-laqgħa tal-G20 f’Londra f’April 2009. Dan ilaqqa’ flimkien 26 awtorità finanzjarja nazzjonali (banek ċentrali, ministeri tal-finanzi, eċċ.), kif ukoll diversi organizzazzjonijiet u gruppi internazzjonali li jiżviluppaw standards fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja.

(4)  Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Riforma (ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63), Finanzjament sostenibbli: Tassonomija u Punti ta’ Referenza (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103) u Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF) – Proposta emendata għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 58).

(5)  Ir-rati ta’ offerti interbankarji (Interbank offer rates – IBOR) huma rati ta’ referenza ta’ rilevanza sistemika, li huma l-bażi għal ħafna kuntratti fis-settur finanzjarju.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”

(COM(2020) 274 final)

“Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”

(COM(2020) 275 final)

(2021/C 10/07)

Relatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.8.2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

218/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jfakkar li forza tax-xogħol b'ħiliet u kkwalifikata hija waħda mill-assi ewlenin tal-mudell soċjali u ekonomiku Ewropew u li l-appoġġ għat-taħriġ għaż-żgħażagħ u l-adulti għandu jintuża bħala lieva biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli u fit-tul, peress li jgħin biex jiżdiedu l-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività u jappoġġja lill-ħaddiema fi tranżizzjoni ġusta u l-progressjoni tal-karriera u l-pagi.

1.2.

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Aġenda għall-Ħiliet u r-rakkomandazzjoni proposta dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) ġew żviluppati taħt l-umbrella tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u li l-motto tal-Aġenda għall-Ħiliet huwa l-ewwel prinċipju tal-EPSR.

1.3.

Il-Kumitat jemmen li l-proġetti taċ-Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali u l-finanzjament tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi fil-kompetizzjonijiet tal-EuroSkills bħala wieħed mill-istrumenti se jwasslu għal titjib fis-sistema kollha tal-VET, filwaqt li jtejbu l-kwalità, l-attraenza u l-inklużività tal-VET għal kulħadd. Dan għandu jinkiseb mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, inklużi l-familji, il-ġenituri u l-istudenti.

1.4.

Il-KESE jfakkar li l-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet STEAM (1) jeħtieġ li jiġu inklużi fid-dispożizzjoni ta' “ħiliet ġusti” biex iwieġbu għall-ħtiġijiet immedjati taż-żgħażagħ u l-adulti sabiex jgħixu b'suċċess fis-soċjetà u għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika.

1.5.

Il-KESE jenfasizza l-fokus fuq il-kompetenzi soċjali u taċ-ċittadinanza, li huma kruċjali għall-individwu bħala ċittadin demokratiku. L-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, b'mod partikolari għal gruppi żvantaġġati (2). Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni (3) u biex isaħħu wkoll it-tagħlim dwar il-valuri u l-identità Ewropej fis-setturi tal-VET u tat-tagħlim għall-adulti.

1.6.

Il-Kumitat jilqa' l-proposta għal Patt għall-Ħiliet dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u jappella biex jiġu mfassla miri li jistgħu jintlaħqu u prinċipji ta' kwalità komuni miftiehma, bl-involviment tal-imsieħba soċjali rilevanti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati importanti oħra, sabiex jipprovdu soluzzjonijiet effettivi għal kulħadd.

1.7.

Il-KESE jappella biex issir enfasi akbar fuq il-politiki ta' gwida u ta' konsulenza fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tas-suq tax-xogħol billi jiġu estiżi l-mekkaniżmi ta' appoġġ offruti minn fornituri ta' informazzjoni differenti, pereżempju l-iskemi tal-ambaxxaturi għat-taħriġ tat-trade unions, l-appoġġ għar-riżorsi umani għall-kumpaniji, u l-ħidma tas-soċjetà ċivili biex timmotiva lill-adulti u lill-ħaddiema fir-rigward tat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet. Il-KESE jfakkar li l-appoġġ lill-persuni b'taħriġ fi tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi ġusti se jibda bil-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (NFIL) u bl-iżgurar tar-rikonoxximent u ċ-ċertifikazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ li jippermettulhom jiffurmaw parti minn kwalifiki sħaħ.

1.8.

Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar “Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati” (4) u jinnota li l-Pjan ta' Rkupru, Next Generation EU u fondi oħra tal-UE (eż. FSE+, Fondi ta' Tranżizzjoni Ġusta) jeħtieġ li jintużaw b'mod effiċjenti u konsistenti biex jappoġġjaw b'mod effettiv il-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.9.

Il-Kumitat jappella li ssir riċerka fil-livell tal-UE dwar l-idea ta' inizjattiva Ewropea għal Kontijiet Individwali tal-Apprendiment (ILA) bħala inizjattiva kumplessiva jew appoġġ speċifiku għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tniedi djalogu soċjali dwar l-ILA u dwar l-iżvilupp ta' Profili Ewlenin Ewropej fil-VET sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tas-setturi, ir-rekwiżiti nazzjonali mill-professjonijiet tal-VET f'konformità mal-ftehimiet kollettivi, il-profili professjonali u okkupazzjonali li qed jinbidlu, u l-ħtiġijiet tal-kumpaniji, u tikkonsulta mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili.

1.10.

Il-KESE jħeġġeġ li jerġgħu jiġu kkunsidrati u aġġornati l-indikaturi u l-punti ta' riferiment għal darb'oħra meta data dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 ssir disponibbli. Id-data u l-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tal-VET, il-ħiliet u s-suq tax-xogħol għandhom jittejbu fir-rigward tal-għanijiet tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-indikaturi l-ġodda għandhom jinfurzaw l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-NU u s-Semestru Ewropew. Sabiex jinkisbu l-indikaturi proposti sal-2025, il-frekwenza tal-monitoraġġ teħtieġ aġġornament annwali dwar firxa ta' data biex jiġi segwit aħjar it-titjib fis-settur tal-VET u dwar il-forniment tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

1.11.

Il-KESE jitlob li l-istudenti kollha tal-VET jiġu ggarantiti d-dritt u l-aċċess għal VET u apprendistati ta' kwalità għolja u inklużivi, filwaqt li jiġi kkunsidrat b'mod xieraq il-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (EFQEA) (5). Minbarra l-indikatur tal-parteċipazzjoni fit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-VET proposta, jista' jiġi ddefinit indikatur ta' tagħlim ibbażat fuq il-kumpaniji u jista' jitħeġġeġ apprendistat kollaborattiv bejn il-kumpaniji.

1.12.

Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar “Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd” (6) u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ta' ħiliet u kompetenzi ekoloġiċi f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tistabbilixxi indikaturi dwar qafas ta' kompetenza dwar il-ħtiġijiet ta' ħiliet ekoloġiċi, bl-involviment tal-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.13.

Il-Kumitat jappella li jiġu żviluppati politiki li jtejbu l-attraenza tal-professjoni tal-għalliema u tal-ħarrieġa tal-VET billi joffru aġġornamenti strateġiċi tal-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tagħhom biex ikunu ppreparati sew għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-VET, billi jtejbu l-istatus, is-saħħa u s-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u billi jiġu involuti fl-iżvilupp tal-kurrikulu dwar it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika għall-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi tal-VET bħala parti minn proċess ta' djalogu soċjali ġenwin.

1.14.

Il-KESE jixtieq li l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (7) jipproponi appoġġ prattiku għall-komunitajiet tal-iskejjel biex itejjeb il-ħiliet diġitali u l-investiment fl-għodod diġitali u l-aċċess għall-internet u jipprovdi appoġġ sabiex il-ħiliet diġitali, kemm il-ħiliet personali (għall-ħajja soċjali u personali), kif ukoll il-ħiliet tekniċi (relatati mat-teknoloġija u mal-impjieg) jilħqu lil kulħadd. Nistiednu lill-Kummissjoni tipprovdi data rilevanti dwar l-aċċess għall-għodod diġitali u l-aċċess għall-internet fl-iskejjel fir-rigward tal-għodda SELFIE (8). Huwa importanti li l-ħaddiema jkollhom taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet fil-ħiliet diġitali meħtieġa.

1.15.

Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fuq livell tal-UE biex jiġu identifikati l-mikrokredenzjali eżistenti ta' fornituri differenti biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet reali tal-kumpaniji, l-impjegaturi, il-ħaddiema u dawk li qed ifittxu impjieg Ewropej fir-rigward tal-mikrokredenzjali u l-impatti tagħhom fuq il-kwalifiki u l-ftehimiet kollettivi.

1.16.

Il-KESE jirrakkomanda li l-pjattaforma Europass tittejjeb, b'informazzjoni affidabbli għal dawk li qed ifittxu impjieg, l-istudenti, l-impjegaturi, u dawk li jfasslu l-politika, u li l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-persuni b'diżabilità u tiġi pprovduta f'lingwi differenti, inklużi l-lingwi ewlenin tal-migranti, ir-refuġjati u l-persuni li jfittxu l-asil.

1.17.

Il-Kumitat jappella biex azzjonijiet ta' ħiliet nazzjonali jagħmlu enfasi fuq l-appoġġ għall-istudenti nisa, il-ħaddiema nisa u n-nisa qiegħda, b'taħriġ imfassal apposta, li jiffoka wkoll fuq appoġġ effettiv għall-familji li ffaċċjaw diffikultajiet serji fil-kriżi tal-COVID-19.

1.18.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal azzjonijiet li jiżguraw li kull refuġjat u persuna li tfittex l-asil jingħataw l-opportunità li jivvalidaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom u jiġu offruti apprendistati u taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, biex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

1.19.

Il-KESE jipproponi li l-ideat wara l-inizjattivi ta' edukazzjoni għolja u dawk relatati mar-riċerka tal-Aġenda għall-Ħiliet u azzjonijiet ta' politika ulterjuri għandhom jiġu diskussi aktar mal-gvernijiet, l-imsieħba soċjali rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Is-sħubijiet bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom ikunu ugwalment ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet u ma għandhomx jirriżultaw fi tnaqqis fil-baġits pubbliċi għall-edukazzjoni għolja.

1.20.

Il-KESE jitlob li jsir investiment pubbliku nazzjonali sostenibbli fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka bħala parti mis-Semestru Ewropew u biex dan jiġi appoġġjat b'fondi tal-UE biex l-edukazzjoni għolja u r-riċerka jsiru kompletament inklużivi u aċċessibbli għall-istudenti u r-riċerkaturi futuri u biex jiġi garantit ambjent ta' ħidma ta' appoġġ għall-akkademiċi u r-riċerkaturi. Il-KESE jappella li l-proposti dwar l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tar-riċerkaturi jiġu diskussi aktar mal-benefiċjarji intenzjonati tal-inizjattivi.

1.21.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Communiqué ta' Pariġi (2018) u l-Communiqué ta' Ruma li jmiss (2020) u biex jiżguraw li l-libertà u l-integrità akkademiċi, l-awtonomija istituzzjonali, il-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-persunal fil-governanza tal-edukazzjoni għolja, u r-responsabbiltà pubblika jiġu rrispettati bħala l-bażi taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA). Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-valuri fundamentali tal-proċess ta' Bolonja, jimplimentaw il-prinċipji dwar id-dimensjoni soċjali u dwar l-apprendiment u t-tagħlim ta' kwalità, u jitlob lill-Grupp ta' Segwitu ta' Bolonja biex jiżgura implimentazzjoni ulterjuri tal-għanijiet ta' Bolonja li dwarhom hemm qbil komuni. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni tan-NU dwar l-Istatus tal-Għalliema fl-Edukazzjoni Għolja tal-1997 (9).

2.   Kuntest

2.1.

Il-Komunikazzjoni dwar European skills agenda for sustainable competitiveness, social fairness and resilience tistabbilixxi prijoritajiet u azzjonijiet ta' politika mmirati lejn it-taħriġ ta' aktar persuni, aktar ta' spiss, u fil-ħiliet meħtieġa għal impjieg, b'mod partikolari biex jiġu identifikati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

2.2.

Il-proposta l-ġdida hija msejsa fil-komunikazzjoni Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività (2016) (10). L-Aġenda aġġornata għall-Ħiliet (2020) tipproponi 12-il inizjattiva u erba' objettivi kwantitattivi li għandhom jintlaħqu sal-2025. Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza tipproponi miri addizzjonali għall-istudenti tal-VET. Din l-Opinjoni tiffoka fuq iż-żewġ inizjattivi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 tefgħet lill-ekonomija Ewropea f'reċessjoni profonda u rata tal-qgħad li dejjem qed tiżdied. Filwaqt li l-Eurostat jistma li ż-żieda reċenti fil-qgħad kienet żgħira meta mqabbla mat-tnaqqis fl-attività ekonomika, ir-rata tal-qgħad fl-UE-27 hija mistennija li tiżdied minn 6,7 % fl-2019 għal 9 % fl-2020 (11). Min-naħa l-oħra, il-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali fl-edukazzjoni, ix-xogħol u l-ħajja ta' kuljum. Għalhekk il-pakkett ta' politika tal-Kummissjoni wasal fil-mument it-tajjeb biex isiru diskussjonijiet dwar politiki effettivi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.2.

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Aġenda għall-Ħiliet u r-rakkomandazzjoni proposta dwar il-VET ġew żviluppati taħt l-umbrella tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jikkontribwixxu lejn l-ewwel prinċipju tiegħu dwar id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi. Fil-fatt, l-Ewropej kollha għandu jkollhom id-dritt ta' aċċess għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità u inklużivi fi tranżizzjoni ġusta u fir-rigward ta' tibdil demografiku. Aħna nenfasizzaw il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar edukattiv, li kompla jissaħħaħ bħala riżultat ta' aċċess mhux ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ matul il-kriżi tal-COVID-19.

3.3.

Aħna nemmnu li l-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet personali huma importanti daqs il-“ħiliet ġusti” meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Dawn il-kompetenzi ewlenin jinkludu kompetenzi soċjali u ta' ċittadinanza li huma kruċjali għall-individwu bħala ċittadin demokratiku speċjalment meta żieda fl-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi tista' twassal għar-radikaliżmu, il-populiżmu u rati ogħla ta' kriminalità. L-Aġenda tal-Ħiliet għandha tagħti aktar attenzjoni lill-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin matul iċ-ċikli/kurrikuli ta' edukazzjoni obbligatorji, kif ukoll għat-tagħlim taż-żgħażagħ u tal-adulti. L-enfasi tal-Aġenda għall-Ħiliet fuq l-istudji STEM (12) u l-kompetenzi intraprenditorjali hija milqugħa tajjeb ħafna, flimkien ma' fehim tal-ħtiġijiet ta' kompetenzi wesgħin għas-soċjetà u s-suq tax-xogħol u bil-kundizzjoni li jkun hemm enfasi fuq il-ħiliet soċjali u trasversali. Il-ħiliet STEAM (13) jeħtieġ li jittejbu aktar, peress li l-arti, l-istudji umanistiċi, l-istudji soċjali u s-setturi professjonali jagħtu kontribut sinifikanti għall-PDG ta' pajjiż.

3.4.

Nirrimarkaw li l-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (EEA) (2018) (14) laqa' l-fatt li l-inizjattiva tal-EEA tipproponi aktar inklużività fis-sistemi edukattivi futuri u enfasizza li t-tagħlim dwar l-UE, il-valuri demokratiċi, it-tolleranza u ċ-ċittadinanza għandhom jitqiesu bħala dritt għal kulħadd, f'kunċett ta' edukazzjoni olistika, b'enfasi speċjali fuq gruppi ta' nies żvantaġġati (15) bħala parti mill-implimentazzjoni tal-EPSR. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni (16). Wara l-Opinjoni tal-KESE dwar l-Edukazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea (17), nirrimarkaw li l-VET u t-tagħlim għall-adulti għandhom jiffukaw ukoll fuq it-tisħiħ tal-valuri komuni Ewropej u l-identità tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa' l-proposta għal Patt għall-Ħiliet dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema. Huwa essenzjali li l-Patt jitfassal bl-involviment tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti u partijiet interessati importanti oħra skont il-gruppi fokus, sabiex jiġu definiti l-miri għad-destinatarji ta' tali Patt u jiġi żgurat li dawn il-miri jintlaħqu. Il-Patt għandu jipprovdi soluzzjonijiet effettivi għaż-żgħażagħ u l-adulti, il-persuni qiegħda, dawk bi kwalifiki baxxi u l-ħaddiema, b'attenzjoni speċjali fuq l-aċċess għal gruppi ta' nies żvantaġġati soċjoekonomikament għal VET ta' kwalità u inklużivi, tagħlim għall-adulti u taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet ipprovduti minn firxa wiesgħa ta' fornituri, bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, kumpaniji u istituzzjonijiet tal-VET.

4.2.

Wieħed mill-kriterji ta' kwalità ta' dawn id-dispożizzjonijiet ta' taħriġ għandu jorbot mal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (NFIL) qabel kwalunkwe taħriġ. It-taħriġ għandu jkun rikonoxxut u ċċertifikat, filwaqt li jidentifika b'mod ċar il-livell tal-kwalifika jew l-unità/parti tal-kwalifika li ċ-ċertifikat huwa parti minnha. Dan ir-rekwiżit isaħħaħ l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-Adulti (18) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tal-NFIL (19).

4.3.

F'konformità ma' Opinjoni preċedenti tal-KESE dwar “Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati” (20), qed nappellaw li l-Pjan ta' Rkupru, in-Next Generation EU u fondi oħra tal-UE (eż. FSE+, Fondi għal Tranżizzjoni Ġusta) jintużaw b'mod effiċjenti u konsistenti, sabiex jiġi żgurat li n-negozji u l-intrapriżi soċjali joħorġu mill-kriżi, li jkunu jistgħu joffru u jżommu impjiegi ta' kwalità, u li l-ħaddiema u l-persuni qiegħda jirċievu appoġġ effettiv fir-rigward tal-kisba ta' ħiliet ta' kwalità. L-FSE+ bħala fond komplementari jgħin fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-edukazzjoni u t-taħriġ identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew u għandu jappoġġja l-objettivi tal-istrateġija industrijali tal-Ewropa u l-politika tal-SMEs dwar l-iżvilupp tal-ħiliet.

4.4.

Il-KESE jinnota li, fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-approċċi differenti fl-Istati Membri li jagħtu s-setgħa lin-nies biex jibnu l-ħiliet matul il-ħajja, filwaqt li titkellem dwar “kontijiet” aktar milli “kont” fis-singular. Madankollu, l-idea ta' inizjattiva Ewropea għall-Kontijiet Individwali tal-Apprendiment (ILA) bħala inizjattiva kumplessiva jew appoġġ speċifiku għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri teħtieġ li tiġi investigata aktar b'riċerka xierqa, sabiex jiġi żgurat li tkun tista' verament tipprovdi soluzzjoni effettiva għall-appoġġ tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u tkun ibbażata fuq il-validazzjoni tal-NFIL sabiex tipprovdi għażliet ta' tagħlim individwali. Għalhekk, għandhom jiġu deċiżi aktar azzjonijiet ta' politika mal-imsieħba soċjali rilevanti inklużi dawk settorjali.

4.5.

Il-Patt għall-Ħiliet jista' jiffoka fuq setturi industrijali li fihom l-appoġġ għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u l-motivazzjoni tal-ħaddiema, wara gwida u konsulenza prattika, biex jattendu t-taħriġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp professjonali u tal-karriera tagħhom u l-interess tal-kumpanija huma importanti. Fir-rigward tal-inizjattiva tal-Pjan ta' Azzjoni (21) u l-idea li jiġi żviluppat Profil Ewlieni Ewropew fil-VET, ta' min jinnota li s-sinerġiji potenzjali tal-profili tal-ħiliet settorjali ta' ċerti professjonijiet jeħtieġ li jiġu diskussi aktar mal-imsieħba soċjali settorjali rilevanti. Jeħtieġ li jitqiesu approċċi komprensivi, inklużi l-kompetittività, l-istrateġiji ta' riċerka u innovazzjoni tal-kumpaniji, u s-sigrieti industrijali.

4.6.

L-istudenti kollha tal-VET għandu jkollhom id-dritt għal VET u apprendistati ta' kwalità għolja u inklużivi li jirrispettaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (22). L-indikaturi għar-rata tal-impjegabbiltà tal-gradwati tal-VET għandhom iqisu l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-industriji u r-rekwiżiti tal-impjiegi ġusti u ta' kwalità tal-gradwati. L-apprendistati kollaborattivi bejn il-kumpaniji jistgħu jiġu mħeġġa aktar. Il-proġetti dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali jista' jkollhom enfasi akbar fuq l-inklużjoni soċjali u l-aċċess ugwali għal taħriġ ta' kwalità għolja u attraenti. Huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol tal-fornituri tal-VET fil-kuntest nazzjonali u l-interazzjoni tagħhom mal-imsieħba soċjali fir-rigward tal-adattament tal-kurrikuli għall-ħtiġijiet tal-ħiliet. Bl-istess mod, is-suġġeriment dwar il-parteċipazzjoni tal-finanzjament tal-pajjiżi fil-kompetizzjonijiet tal-EuroSkills jista' jżid l-attraenza tal-VET. Madankollu, it-tħejjija eċċezzjonali ta' studenti tal-VET magħżula se sservi ta' eżempju għall-gvernijiet biex itejbu l-kwalità tal-iskejjel tal-VET b'mod ġenerali b'miżuri effettivi.

4.7.

Il-KESE jfakkar fil-Konklużjonijiet ta' Riga dwar l-istrateġija tal-VET għall-2015-2020, li taqbel li t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol (WBL) ikopri tagħlim prattiku fl-iskejjel u l-kumpaniji (23). Peress li l-aċċess għal xi forma ta' tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol għandu jkun in-norma għall-istudenti kollha tal-VET, l-indikaturi tal-parteċipazzjoni tad-WBL żgur li mhumiex ambizzjużi u huwa diffiċli biex jiġu applikati sabiex jittejjeb l-għoti tal-apprendistat.

4.8.

It-tisħiħ tal-informazzjoni dwar il-ħiliet, li jibni fuq il-ħidma reċenti mis-Cedefop (24), huwa essenzjali wkoll biex jiġu ddefiniti u mmonitorjati l-kisbiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-indikaturi dwar it-tagħlim għall-adulti u l-VET. It-tbassir/l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet fir-rigward ta' bidliet soċjali u tas-suq tax-xogħol huma importanti biex tiġi żgurata governanza aħjar tal-istrateġiji tal-ħiliet fi ħdan djalogu soċjali effettiv u konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati, inklużi l-kumpaniji. Jiġi milqugħ il-fatt li l-indikaturi proposti mill-Aġenda għall-Ħiliet u r-Rakkomandazzjoni ġroposta dwar il-VET jerġgħu jiġu kkunsidrati u aġġornati b'segwitu għar-riċerka dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol.

4.9.

B'mod aktar ġenerali, id-data u l-informazzjoni dwar il-VET, il-ħiliet u s-suq tax-xogħol jeħtieġ li jittejbu fir-rigward tal-għanijiet tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-indikaturi l-ġodda proposti biex tiġi infurzata l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 4 (l-edukazzjoni), l-SDG 5 (l-ugwaljanza), l-SDG 8 (ix-xogħol deċenti), u l-SDG 13 (it-tibdil fil-klima) u s-Semestru Ewropew. Sabiex jintlaħqu l-indikaturi proposti sal-2025, il-frekwenza tal-monitoraġġ mill-Eurostat u minn aġenziji bħal Cedefop u Eurofound tkun teħtieġ aġġornament annwali. Indikaturi addizzjonali jistgħu jappoġġjaw aħjar lill-kumpaniji u lill-ħaddiema fid-definizzjoni tal-investiment, il-provvista u l-ħtiġijiet tal-ħiliet tagħhom, b'enfasi fuq il-“perċentwal ta' intrapriżi li jipprovdu taħriġ skont it-tip ta' taħriġ” u “n-nefqa tal-intrapriżi fuq korsijiet ta' taħriġ bħala perċentwal tal-ispiża totali tax-xogħol”. Din id-data diġà tinġabar mill-Eurostat kull 5 snin, iżda tali perjodu ta' żmien ma jappoġġjax l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fl-antiċipazzjoni/it-tbassir tal-ħiliet u t-twaqqif tat-taħriġ meħtieġ, kwistjoni li l-Aġenda għall-Ħiliet tipproponi li għandha tissaħħaħ. Liv bi ħlas għall-edukazzjoni bħala parti mill-ftehimiet kollettivi nnegozjati jista' jkun għodda li għandha tiġi inkluża fl-indikaturi, flimkien mal-kejl tal-għoti ta' informazzjoni u gwida lill-ħaddiema.

4.10.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn strateġija tal-UE għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għal kulħadd” (25) tindika li r-responsabbiltà ambjentali hija obbligu għal kulħadd. It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid proattivi biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ġusta għal ekonomija ekoloġika għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd, b'mod partikolari għall-ħaddiema fis-setturi li jinsabu f'deklin. Huwa meħtieġ monitoraġġ tal-għoti ta' taħriġ dwar ħiliet u kompetenzi ekoloġiċi personali (għall-ħajja ta' kuljum u s-soċjetà) u tekniċi (tekniċi-professjonali), skont indikatur ċar, rilevanti għal kulħadd fl-Ewropa u mhux biss għall-adulti. Tali indikatur u l-istrateġija tal-UE dwar il-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi għandhom ikunu bbażati fuq studju u valutazzjoni bir-reqqa fil-livell tal-UE tal-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi. It-twaqqif ta' indikaturi u ta' qafas ta' kompetenza dwar ħiliet ekoloġiċi jeħtieġ li jkun ibbażat fuq Metodu Miftuħ ta' Kooperazzjoni. L-għalliema u l-ħarrieġa fil-VET għandhom jirċievu żvilupp professjonali kontinwu ta' kwalità anke fi ħdan il-kumpaniji (26) u jeħtieġ li jkunu involuti fl-iżvilupp tal-kurrikulu dwar it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika.

4.11.

Aħna nenfasizzaw li l-iskejjel għandhom rwol soċjali kbir u li l-metodi tat-tagħlim għandhom ikunu appoġġjati bid-diġitalizzazzjoni bħala għodda u mhux bħala għan. Appoġġ effettiv għall-iskejjel, l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri u l-familji għat-titjib tal-ħiliet diġitali u l-investiment fit-tagħmir huwa essenzjali u għandu jiġi indirizzat fi ħdan is-Semestru Ewropew u fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. Peress li l-industriji u l-ekonomija huma kontinwament diġitalizzati, huwa importanti li l-ħaddiema jkollhom taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet fil-ħiliet diġitali meħtieġa bl-użu tad-djalogu soċjali. Nistiednu lill-Kummissjoni tipprovdi data rilevanti dwar l-aċċess għall-għodod diġitali u l-internet fl-iskejjel fir-rigward tal-għodda SELFIE (27).

4.12.

Jeħtieġ li tinstab, f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, definizzjoni Ewropea komuni u ftehim dwar il-mikrokredenzjali. Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati l-mikrokredenzjali eżistenti li jintużaw mill-kumpaniji f'setturi, fornituri tat-taħriġ, u istituzzjonijiet edukattivi (VET u edukazzjoni għolja) differenti u biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-interess tal-kumpaniji, l-impjegaturi, il-ħaddiema u l-persuni Ewropej li qed ifittxu x-xogħol fir-rigward tal-kisba u t-talba ta' mikrokredenzjali. Il-mikrokredenzjali jistgħu jitqiesu bħala soluzzjoni waħda iżda mhux l-unika soluzzjoni u eżitu tal-proċeduri ta' rikonoxximent u t-titjib tal-ħiliet jew it-taħriġ mill-ġdid. Dawn għandhom jiddefinixxu b'mod ċar kif iċ-ċertifikat jorbot ma' kwalifika sħiħa. Jeħtieġ li tiġi diskussa mal-imsieħba soċjali d-definizzjoni tal-istandards u ta' azzjoni ta' politika ulterjuri fil-livell tal-UE dwar il-mikrokredenzjali, filwaqt li jiġu żgurati b'mod partikolari l-kwalità u t-trasparenza, filwaqt li jitqiesu tali studju fil-livell tal-UE u valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa li tinkludi l-impatti tiegħu fuq il-kwalifiki u l-ftehimiet kollettivi.

4.13.

Fir-rigward tat-tnedija tal-pjattaforma l-ġdida tal-Europass, il-fiduċja fiċ-ċertifikazzjonijiet u l-kwalifiki tista' tiġi solvuta bi kredenzjali diġitali, filwaqt li jiġu rrispettati l-proċeduri ta' rikonoxximent u validazzjoni. L-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-persuni b'diżabilità u għandha tingħata f'lingwi differenti, inklużi l-lingwi ewlenin tal-migranti, ir-refuġjati u dawk li jfittxu l-asil. L-idea ta' badges diġitali li għandhom jintużaw għar-rikonoxximent rapidu għandha tiġi esplorata f'aktar dettall.

4.14.

Il-KESE jilqa' s-suġġerimenti tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ għall-azzjonijiet strateġiċi nazzjonali dwar il-ħiliet b'enfasi fuq l-inklużività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-VET. Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet partikolarment lin-nisa b'familji skont rapporti reċenti tan-NU (28), tal-Kunsill tal-Ewropa, u tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) (29). In-nisa qed jiffaċċjaw “livelli ogħla ta' vjolenza domestika, sesswali u sessita” (traduzzjoni mhux uffiċjali) u “għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-effetti possibbli fit-tul tal-pandemija fuq il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u personali u fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa, peress li ħafna minnhom jistgħu jiġu mġiegħla jagħmlu għażliet diffiċli u jiċċaqilqu għal xogħol bla ħlas.” (30) (traduzzjoni mhux uffiċjali) Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-azzjonijiet nazzjonali għall-ħiliet għandhom jagħmlu enfasi fuq l-appoġġ lill-istudenti nisa, il-ħaddiema nisa u n-nisa qiegħda, b'taħriġ imfassal apposta. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiffukaw ukoll fuq l-appoġġ effettiv lill-familji li ffaċċjaw diffikultajiet serji fil-kriżi tal-COVID-19.

4.15.

Il-KESE jfakkar li jeħtieġ li r-refuġjati jiġu ttrattati b'mod ugwali irrispettivament mil-livell ta' ħiliet tagħhom, u kull refuġjat u persuna li tfittex l-asil għandhom jingħataw il-possibbiltà li jivvalidaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom u jirċievu apprendistati u taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet biex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Asil għandu jirrikonoxxi li r-refuġjati għandhom ħiliet u livelli differenti ta' kwalifiki li jistgħu jkunu ta' valur miżjud għall-pajjiżi riċeventi u s-suq tax-xogħol lokali tagħhom u l-ħtiġijiet tan-negozji.

4.16.

Huwa importanti li jinstabu aktar rabtiet bejn iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex jittejbu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka għall-istudenti kollha irrispettivament mill-età jew l-isfond soċjoekonomiku tagħhom. It-tisħiħ tal-kwalità u r-rikonoxximent tal-istudji bejn l-universitajiet jeħtieġ li jkun punt fokali importanti tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej. Filwaqt li l-edukazzjoni ogħla hija kompetenza nazzjonali, il-proposti tal-KE għal-Lawrja Ewropea, Statut Universitarju Ewropew u Sistema Ewropea ta' Rikonoxximent u Assigurazzjoni tal-Kwalità jidhru li huma pass lejn is-sinkronizzazzjoni ta' studji ta' edukazzjoni ogħla. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-ideat wara dawn l-inizjattivi u aktar azzjonijiet ta' politika jiġu diskussi aktar mal-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.

4.17.

Il-KESE jinnota li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt negattiv ħafna fuq l-ammissjonijiet, l-attendenza, ir-rwol soċjali u l-investiment tal-universitajiet. Għandu jiġi żgurat investiment pubbliku nazzjonali sostenibbli fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka u l-fondi tal-UE għandhom jittejbu biex l-edukazzjoni u r-riċerka jsiru kompletament inklużivi u aċċessibbli għall-istudenti u r-riċerkaturi futuri u biex jiġi ggarantit ambjent ta' ħidma ta' appoġġ għall-akkademiċi u r-riċerkaturi.

4.18.

Is-sħubijiet bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom ikunu ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet mingħajr pressjoni esterna u għandhom ikunu bbilanċjati biex jiżguraw ħidma ta' riċerka u innovazzjoni tal-kumpaniji fihom infushom u objettivi pubbliċi ta' edukazzjoni għolja u riċerka fihom infushom. L-impenji li saru mill-ministri tat-48 firmatarju tal-Proċess ta' Bolonja jeħtieġ li jitqiesu fir-rigward tal-proposti li saru fl-Aġenda għall-Ħiliet: “Il-libertà u l-integrità akkademiċi, l-awtonomija istituzzjonali, il-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-persunal fil-governanza tal-edukazzjoni għolja, u r-responsabbiltà pubblika għal u tal-edukazzjoni għolja jiffurmaw is-sinsla tal-EHEA.” Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-Rakkomandazzjoni tan-NU dwar l-Istatus tal-Għalliema fl-Edukazzjoni Għolja tal-1997 (31).

4.19.

Skont l-Artikolu 13 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, “L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata” (32). Il-proposti għall-istabbiliment ta' Qafas Ewropew ta' Kompetenza għar-Riċerkaturi, Tassonomija tal-Ħiliet għar-Riċerkaturi, u l-iżvilupp ta' kurrikuli għar-riċerkaturi dwar ix-xjenza miftuħa u l-ġestjoni tax-xjenza huma ideat ambizzjużi iżda jpoġġu dubju fuq il-libertà akkademika tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fit-tħejjija ta' akkademiċi u riċerkaturi futuri biex tissaħħaħ il-libertà tal-għarfien u r-riċerka.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti u Matematika.

(2)  EIGE.

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1).

(4)  ĠU C 232, 14.7.2020, p. 8.

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi

(6)  Opinjoni SOC/636 (għadha għaddejja), it-titolu qiegħed fil-proċess li jinbidel.

(7)  Il-paġna tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Edukazzjoni Diġitali.

(8)  għodda SELFIE.

(9)  Rakkomandazzjoni dwar l-Istatus tal-Għalliema fl-Edukazzjoni Għolja

(10)  COM(2016) 381 final.

(11)  Stqarrijijiet għall-istampa tal-Eurostat “Euro area unemployment at 7,8 %”, Lulju 2020 (Il-qgħad fiż-żona tal-euro jilħaq 7,8 % – mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika

(13)  Ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika

(14)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136.

(15)  EIGE.

(16)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1).

(17)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 68.

(18)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

(19)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

(21)  Pjan ta' azzjoni għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet.

(22)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi

(23)  Ara d-definizzjoni tad-WBL fin-nota 6 f'qiegħ il-paġna tal-Konklużjonijiet ta' Riga tal-2015.

(24)  Sit web tas-Cedefop dwar l-informazzjoni dwar il-ħiliet.

(25)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

(26)  Cedefop, “Il-prinċipji gwida għall-iżvilupp professjonali tal-ħarrieġa fil-VET”, 2014 u ETUCE Policy Paper on VET in Europe, 2012 (Dokument ta' Politika tal-ETUCE dwar il-VET fl-Ewropa, 2012 – mhux disponibbli bil-Malti).

(27)  għodda SELFIE.

(28)  UN Policy Brief: The Impact of COVID-19 on Women, 2020 (Sommarju tal-Politika tan-NU: L-Impatt tal-COVID-19 fuq in-Nisa, 2020 – mhux disponibbli bil-Malti)

(29)  Ara l-paġna web rilevanti tal-EIGE.

(30)  https://www.coe.int/en/web/genderequality/women-s-rights-and-covid-19

(31)  UN Recommendation concerning the Status of Higher-Education Teaching Personnel, 1997 (Rakkomandazzjoni tan-NU dwar l-Istatus tal-Għalliema fl-Edukazzjoni Għolja, 1997 – mhux disponibbli bil-Malti)

(32)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”

(COM(2020)276 final)

“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ”

(COM(2020) 277 final — 2020/132(NLE))

(2021/C 10/08)

Relatur:

Tatjana BABRAUSKIENĖ

Korelatur:

Michael McLOUGHLIN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.8.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2020.

Opinjoni adottata fil-plenarja

29.10.2020.

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

220/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa tippreżenta lill-Istati Membri b’sett ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jinvolvi għodod differenti li jinkludu apprendistati, traineeships, edukazzjoni u offerti ta’ impjiegi u jappella biex jittieħdu aktar azzjonijiet biex din tinbidel fi strument permanenti. Madankollu, jiddispjaċih li l-miżuri mhumiex ibbilanċjati u jiffukaw prinċipalment fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet u inqas fuq il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Fil-perjodu wara l-kriżi tal-COVID-19, iż-żgħażagħ tal-UE, li huma l-aktar affettwati mill-qgħad, għandu jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità.

1.2.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu aktar azzjonijiet biex jissaħħu r-raba’ u l-ewwel prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bil-għan li tiġi promossa l-kooperazzjoni transettorjali u f’diversi livelli sabiex jiġi implimentat approċċ olistiku u integrat biex jiġu appoġġjati ż-żgħażagħ li jiffaċċjaw diversi ostakli għall-inklużjoni soċjali, fis-settur tal-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol.

1.3.

Il-KESE jappella għall-kollokament immedjat taż-żgħażagħ li jirreġistraw għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Soluzzjoni ta’ kwalità tajba bħal pereżempju xogħol jew opportunità ta’ taħriġ ta’ kwalità tajba, trid tiġi pprovduta malajr jew fi żmien 4 xhur. Din għandha tqis il-proċeduri li xi kultant ikunu twal sabiex jiġi vvalidat it-tagħlim mhux formali jew informali, li jistgħu jiġu kkombinati mad-disponibbiltà ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ offruti matul ċertu perjodu ta’ żmien.

1.4.

Il-KESE jinnota li l-appoġġ għaż-żgħażagħ jeħtieġ li jibda billi jiġi vvalidat it-tagħlim mhux formali u informali, li idealment għandu jwassal għal kwalifiki li jiddefinixxu b’mod ċar il-livelli tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki(QEK)/tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) u titolu jew ċertifikazzjoni professjonali. Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ erba’ xhur u jingħata appoġġ individwali, is-sistemi tal-validazzjoni u tal-għoti ta’ taħriġ għandhom ikunu aktar flessibbli u aġli.

1.5.

Il-Kumitat jappella għal inizjattiva tal-UE biex ittejjeb il-provvista ta’ gwida u konsulenza ta’ kwalità u inklużivi, li jibdew fl-edukazzjoni bikrija, biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni liż-żgħażagħ dwar l-edukazzjoni ulterjuri tagħhom u sussegwentement dwar possibbiltajiet ta’ karriera fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tas-suq tax-xogħol.

1.6.

Il-KESE jinnota li l-kollokamenti f’impjiegi għan-NEETs (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) għandhom ikunu konformi mal-leġislazzjoni tax-xogħol, il-ftehimiet kollettivi u r-regolamenti tat-taxxa biex tiġi evitata l-prekarjetà fit-tul għall-ħaddiema żgħażagħ appoġġjati mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Fil-kollokamenti f’impjieg għaż-żgħażagħ ħaddiema jeħtieġ li jiġu rispettati salarju u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, postijiet tax-xogħol aċċessibbli, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, demokrazija fuq il-post tax-xogħol, kif definiti fil-leġislazzjoni nazzjonali u fil-ftehimiet kollettivi u/jew settorjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri japplikaw politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jinħolqu impjiegi għaż-żgħażagħ fis-settur pubbliku u dak privat u biex jiġu żgurati soluzzjonijiet fit-tul. Il-kuntratti qosra u temporanji jistgħu jsolvu problemi urġenti, iżda l-prekarjetà fit-tul hija ugwalment ta’ ħsara għaż-żgħażagħ, għall-kumpaniji u għall-ekonomija.

1.7.

Biex jiġi żgurat li dak li qed jiġi offrut jissodisfa ċertu standard, il-Kumitat jissuġġerixxi li flimkien mal-imsieħba soċjali rilevanti u l-atturi tas-soċjetà ċivili fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, jiġi definit qafas ta’ kwalità li jirregola l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-iskema. Peress li bl-appoġġ tal-fondi tal-UE ġew allokati aktar riżorsi pubbliċi għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, huwa importanti ħafna li tiġi mmonitorjata l-kwalità ta’ x’qed jiġi offrut mill-programm fir-rigward tal-kriterji ta’ kwalità u kundizzjonalità (1) għall-kollokamenti taż-żgħażagħ. Nilqgħu l-ħidma tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) u tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (EYF) f’dan ir-rigward.

1.8.

Il-KESE jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li jiġi applikat l-obbligu li jkun hemm feedback wara l-kollokament f’impjieg u l-monitoraġġ tal-Garanzija taż-Żgħażagħ biex ikomplu jissaħħu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-appoġġ għal politiki effettivi dwar iż-żgħażagħ. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw monitoraġġ kemm kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv tal-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, abbażi ta’ Qafas ta’ Indikaturi maqbul b’mod komuni li għandu jitwettaq kull sena u jittejjeb permezz ta’ lista kwalitattiva. Il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom jiffukaw ukoll fuq il-kwalità, jinvolvu lill-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u jfittxu l-input dirett miż-żgħażagħ.

1.9.

Il-KESE jappella għal kooperazzjoni fil-livell Ewropew u nazzjonali għal politiki effettivi fil-qasam soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni u t-taħriġ bbażati fuq l-alleanzi li jridu jinbnew fost il-ministeri, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti oħra sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni għaż-żgħażagħ u biex jiġi żgurat li dawk fil-bżonn jintlaħqu aħjar, b’enfasi partikolari fuq l-inklużjoni ta’ persuni soċjoekonomikament żvantaġġati u li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi.

1.10.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq studju fil-livell tal-UE dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq it-tluq bikri mill-iskola u r-rati miżjuda tan-NEETs. Huwa jirrakkomanda wkoll li tiġi riveduta d-data tal-Eurostat dwar ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ biex tkopri wkoll liż-żgħażagħ mill-età li joħorġu mill-edukazzjoni obbligatorja nazzjonali sal-età ta’ 30 sena (jiġifieri mhux biss bejn it-18 u l-25 sena) u li jiġu żgurati miżuri xierqa ta’ appoġġ u livelli adegwati ta’ finanzjament tal-UE u aċċess għalih taħt l-iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ.

1.11.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li jkun hemm miżuri effettivi dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol biex jingħata appoġġ effiċjenti liż-żgħażagħ. Huwa importanti li jkun żgurat li a) età xierqa ta’ ħruġ mill-edukazzjoni u b) investiment pubbliku sostenibbli f’edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u inklużivi jnaqqsu r-rata ta’ żgħażagħ u NEETs b’ftit ħiliet u kwalifiki.

1.12.

Il-KESE jitlob li jkun hemm appoġġ effettiv għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex in-nies ikomplu l-edukazzjoni terzjarja, jieħdu taħriġ u jsibu impjiegi ta’ kwalità. Huwa jinnota li ż-żieda fl-età għall-aċċess għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ ma għandhiex tnaqqas il-kwalità tal-opportunitajiet ipprovduti mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jew titfa’ aktar pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jew fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li qed jiffaċċjaw domanda akbar. Il-KESE jitlob aktar appoġġ għall-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u biex in-nies jirċievu aktar informazzjoni dwar l-apprendistati, it-traineeships u l-offerti ta’ impjiegi ta’ kwalità disponibbli fil-kumpaniji.

1.13.

Il-Kumitat jirrakkomanda li tittejjeb il-pjattaforma tal-Europass b’informazzjoni affidabbli għaż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, inklużi l-persuni b’diżabilità, b’lingwi differenti, inklużi l-lingwi ewlenin tal-migranti, ir-refuġjati u dawk li jfittxu l-asil.

1.14.

Il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jikkooperaw aktar sabiex kwalunkwe riformi ewlenin għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiġu riflessi fl-istrumenti legali li jirregolaw il-finanzjament rilevanti. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex iżżid il-fondi tal-UE disponibbli għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li jitqiesu l-investiment kollu tal-UE fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-programmi kollha eżistenti tal-UE u evalwazzjoni tal-użu tal-fondi tal-UE. Hemm bżonn li l-informazzjoni dwar il-fondi disponibbli tal-UE għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiġi kkomunikata aħjar lil dawk li jgħinu liż-żgħażagħ, u l-Istati Membri jeħtieġ li jirċievu linji gwida fil-lingwi tagħhom stess. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-appoġġ immirat għaż-żgħażagħ ser jiġi integrat fis-Semestru Ewropew.

1.15.

Il-KESE jappella biex fl-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) jiġu involuti l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra, liema involviment għandu jiġi awtorizzat mill-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Tali involviment jeħtieġ li jiġi estiż għall-istrument finanzjarju tal-UE li jappoġġa l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss (2021-2027). Dan jiżgura programmar parteċipattiv u monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tiegħu sabiex il-fondi jilħqu verament lil dawk fil-bżonn.

1.16.

Il-KESE jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Qafas ta’ Monitoraġġ dwar l-Aċċess għall-Protezzjoni Soċjali u tipprovdi soluzzjonijiet biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-persuni li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali, peress li nkella x-xogħol kollettiv u x-xogħol ta’ pjattaforma ma jipprovdux l-aħjar soluzzjonijiet fit-tul għal kollokamenti f’impjieg ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ fi ħdan il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

1.17.

Il-KESE jipproponi li l-Garanzija Ewropea għat-Tfal li jmiss tintrabat mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jingħata appoġġ aktar effiċjenti liż-żgħażagħ li għandhom it-tfal, kemm jekk huma impjegati kif ukoll jekk huma qiegħda.

1.18.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali biex tipprovdi appoġġ effettiv għall-intraprendituri żgħażagħ u n-negozji ġodda u żżid il-ħiliet ekoloġiċi fil-livell lokali, b’enfasi speċjali fuq gruppi vulnerabbli u bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.

1.19.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kumpaniji jimpjegaw żgħażagħ qiegħda u jipprovdulhom offerti ta’ xogħol ta’ kwalità tajba. Il-KESE jinnota li l-inċentivi għall-impjiegi, is-sussidji fuq il-pagi u l-bonusijiet tar-reklutaġġ, kif ukoll l-inċentivi fiskali għall-kumpaniji, jistgħu tabilħaqq ikunu soluzzjonijiet tajba għal dan, u għandhom ikunu akkumpanjati mill-garanzija ta’ aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ xierqa. L-inċentivi għall-kumpaniji għandhom jipprovdu soluzzjonijiet effettivi li jaqblu mal-pjani tan-negozju tagħhom fuq perjodu medju u twil.

1.20.

Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati l-mikrokredenzjali eżistenti u jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-interessi tal-kumpaniji Ewropej, tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u ta’ dawk li qed ifittxu impjieg fir-rigward tal-ksib u t-talba għall-mikrokredenzjali, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ.

1.21.

Il-KESE jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali dwar it-titjib tad-dispożizzjoni tal-apprendistat u jappella għal monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (EFQEF) (2) fil-livelli nazzjonali u tal-kumpaniji. Il-valutazzjoni u t-titjib tal-apprendistati skont il-kriterji tal-EFQEF huma importanti.

1.22.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja n-Netwerk Ewropew tal-Apprendisti meta tiddefinixxi mandat ċar sabiex jiġu appoġġjati l-apprendisti f’konformità mal-EFQEA.

2.   Sfond u kummenti ġenerali

2.1.

F’April 2013 ġiet adottata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ meta t-taqlib ekonomiku u finanzjarju u l-kriżi ekonomika wasslu għall-ogħla rata ta’ qgħad għan-nies fl-Ewropa, ħafna minnhom żgħażagħ.

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 tefgħet lill-ekonomija Ewropea f’reċessjoni profonda u qed twassal biex tiżdied ir-rata tal-qgħad. F’Ġunju 2020, 3 miljun żagħżugħ taħt il-25 sena kienu qiegħda fl-UE (17,1 % tal-popolazzjoni attiva totali f’dak il-grupp) (3), u dan huwa mistenni (4) li jiżdied għal 4,8 miljuni (26,2 %) sal-aħħar tas-sena. Barra minn hekk, l-għadd ta’ NEETs huwa mistenni li jiżdied minn 4,9 miljuni għal 6,7 miljuni. It-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huwa f’waqtu sabiex jiġi evitat li jintlaħqu l-ogħla livelli ta’ qgħad fl-istorja tal-UE (5) fis-seklu 21. Il-proposta dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tippreżenta lill-Istati Membri sett ta’ miżuri biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ, b’għodod differenti, inklużi apprendistati, traineeships, edukazzjoni u offerti ta’ impjiegi. L-enfasi tal-proposta hija fuq it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ taħt it-30 sena, fi żmien 4 xahar minn meta jirreġistraw ma’ servizz pubbliku tal-impjiegi jew fornitur tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

2.3.

Kif uriet l-aħħar kriżi ekonomika, iż-żgħażagħ jintlaqtu l-aktar mill-kriżi. Huma aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u m’għandhomx protezzjoni soċjali jew din tkun dgħajfa. Ħafna minnhom għandhom kuntratti ta’ self lill-istudenti, m’għandhomx riżorsi biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċċjaw riskju għoli ta’ mard mentali minħabba l-inattività. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu konsegwenzi fit-tul għall-individwi, u b’hekk jagħmilhom “ġenerazzjoni mitlufa”. L-Eurofound (6) ikkalkulat li l-ekonomiji Ewropej tilfu madwar EUR 162 biljun fis-sena matul ir-Reċessjoni l-Kbira minħabba nuqqas ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni taż-żgħażagħ. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ jista’ jkollu impatt negattiv mhux biss fuq l-ekonomija iżda wkoll fuq is-soċjetà kollha, peress li ż-żgħażagħ jistgħu ma jinvolvux ruħhom fil-parteċipazzjoni demokratika u soċjali.

2.4.

Iż-żgħażagħ li huma NEETs jikkostitwixxu grupp varjat. Għandhom livelli differenti ta’ ħiliet, kwalifiki formali u sfond personali. Xi sistemi edukattivi mhumiex flessibbli biżżejjed biex jippermettu permeabbiltà bejn setturi differenti tal-edukazzjoni. Għandhom jingħataw soluzzjonijiet effettivi skont il-kwalifiki u l-livelli ta’ ħiliet tagħhom. L-appoġġ immirat fil-qasam soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni għandu jingħata, b’mod partikolari, lil dawk li huma vulnerabbli u li ġejjin minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati. Hemm bżonn li jkun hemm ugwaljanza bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs għall-migranti u r-refuġjati, il-minoranzi, ir-Rom u ż-żgħażagħ b’diżabilità. Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, jenħtieġ li dawk li ma tantx għandhom kwalifiki u dawk li jħallu l-iskola kmieni jirċievu assistenza biex itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom bil-għan li jilħqu l-livelli ta’ kwalifiki “lejn il-livell 3 jew 4 tal-QEK”. Dan jippermettilhom jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet (7).

2.5.

Fir-rigward tal-appoġġ għall-adulti żgħażagħ, huwa essenzjali li jiġu ddefiniti bħala l-persuni li għandhom bejn l-età ta’ meta jitilqu l-iskola obbligatorja (8) u t-30 sena. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ riveduta testendi l-appoġġ sal-età ta’ 30 sena u tipprevedi appoġġ effettiv biex il-persuni jiksbu impjieg deċenti u opportunità biex itejbu l-ħiliet tagħhom jew jitħarġu mill-ġdid. Iż-żgħażagħ li jitilqu l-edukazzjoni f’età bikrija u n-nuqqas ta’ investiment pubbliku f’edukazzjoni inklużiva għal kulħadd jikkontribwixxu għar-rati għolja ta’ żgħażagħ bi ftit ħiliet u kwalifiki. Dan iżid il-ħtieġa għal miżuri biex dawn jiġu integrati f’edukazzjoni ulterjuri u fis-suq tax-xogħol.

2.6.

L-impjiegi maħluqa f’industriji differenti jistgħu jisparixxu minħabba l-kriżi attwali. Skont ir-raba Prinċipju 4 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, “Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeships jew offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba sa erba’ (4) xhur minn meta jiġu qiegħda jew iħallu l-edukazzjoni.” Sabiex jiġi pprovdut appoġġ għaż-żgħażagħ sabiex jitħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-kwalifiki tagħhom u sabiex jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola sa mill-ewwel stadji, irid jiġi applikat ukoll l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bil-għan li dawn iż-żgħażagħ ikunu garantiti “[i]d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi”. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu dawn id-drittijiet billi jippromovu kooperazzjoni transettorjali u f’diversi livelli biex jiġi implimentat approċċ integrat bil-għan li jiġu appoġġjati ż-żgħażagħ li jiffaċċjaw diversi ostakli għall-inklużjoni soċjali, lil hinn mill-impjieg (9).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Kif diġà ġie identifikat mill-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE, fl-istudju tiegħu tal-2014 dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ (10), l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ iffaċċjat ħafna ostakli fl-Istati Membri tal-UE, bħall-kwalità fqira ta’ dak li qed jiġi offrut taħt l-iskema, l-intervent barra mill-perjodu mwiegħed ta’ erba’ xhur u strateġiji mhux adegwati ta’ sensibilizzazzjoni biex jingħata appoġġ liż-żgħażagħ l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol (bħan-NEETs). Hemm bżonn ta’ strutturi ta’ governanza aktar effettivi biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-finanzjament għandu jkun immirat tajjeb b’rata ogħla ta’ reġistrazzjoni taż-żgħażagħ. Għalhekk, għandu jiġi garantit involviment aħjar tal-partijiet interessati rilevanti, bħal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u NGOs rilevanti oħra u l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew, settorjali, nazzjonali u, jekk rilevanti, ta’ kumpaniji, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tista’ tgħin tiġi żgurata l-aċċettazzjoni u l-implimentazzjoni bla xkiel tar-riformi.

3.2.

Hemm bżonn li tissaħħaħ is-sistema ta’ mmappjar biex jinkiseb fehim aktar profond tad-diversità tan-NEETs. Il-monitoraġġ tal-appoġġ għaż-żgħażagħ għandu jiġi kkombinat ma’ riċerka msaħħa, filwaqt li titqies l-eteroġeneità tal-grupp ta’ NEETs, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli taż-żgħażagħ għal politika bbażata fuq l-evidenza, filwaqt li jiġu rispettati l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data. Huwa diffiċli li jintlaħqu n-NEETs, u għalhekk hemm bżonn ta’ provvista integrata ta’ servizzi soċjali u tal-impjiegi – kemm pubbliċi kif ukoll privati – abbażi ta’ evidenza u data affidabbli.

3.3.

L-involviment tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti fl-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), previst mill-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għandu jiġi estiż għall-istrument finanzjarju tal-UE li jappoġġa l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa fil-QFP li jmiss (2021-2027). Dan jiżgura programmar parteċipattiv u monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tiegħu, sabiex il-fondi jilħqu verament lil dawk fil-bżonn.

3.4.

Minn din il-perspettiva, l-appoġġ soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni u t-taħriġ effettiv għandu tabilħaqq jibda b’ kooperazzjoni fost il-ministeri u s-servizzi ta’ appoġġ rilevanti. Għandhom jinbnew alleanzi bejn il-ministeri, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u NGOs rilevanti oħra, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra biex tinstab l-aħjar soluzzjoni għaż-żgħażagħ. Il-fatt li l-mira ta’ erba’ xhur ma ntlaħqitx fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ preċedenti jrid ikun tħassib ċentrali fil-verżjoni riveduta. Hemm bżonn li jissaħħu u jiġu appoġġati r-rwol u l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex in-nies isibu impjieg ta’ kwalità. L-NGOs u l-intrapriżi soċjali jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ liż-żgħażagħ billi joffru impjiegi u traineeships temporanji. Għandu jkun hemm aktar informazzjoni dwar il-postijiet disponibbli fil-kumpaniji, peress li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi ma jistgħux jipprovdu appoġġ jekk ma jkunx hemm postijiet jew informazzjoni dwar dawn. Fir-rigward tal-involviment tas-servizzi privati tal-impjiegi, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-appoġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jingħata liż-żgħażagħ mingħajr ħlas, bħala appoġġ pubbliku.

3.5.

Huwa importanti li nkomplu ntejbu r-rabtiet u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mal-komunitajiet, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-gruppi soċjali oħra, b’mod konsistenti ma’ wħud mill-eżempji murija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (11). Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Komunikazzjoni dwar “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (12) tqis li dawk l-aktar vulnerabbli mhumiex jintlaħqu biżżejjed, u b’hekk dan ikompli juri kemm dan u forom oħra ta’ ħidma ta’ sensibilizzazzjoni huma importanti.

3.6.

Il-Kumitat jinnota li, skont l-analiżi tal-ILO (13) tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, nuqqas ta’ riżorsi [nazzjonali] kellu konsegwenzi detrimentali fuq il-kapaċità tal-pajjiżi li jipprovdu lin-NEETs kollha b’opportunità li jaħdmu jew li jattendu taħriġ fi żmien erba’ xhur. Il-baġit miżjud għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ jintlaqa’ tajjeb f’konformità mal-espansjoni tal-faxex tal-età ta’ persuni fil-mira tal-inizjattiva. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li filwaqt li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE jipprovdi EUR 750 biljun għall-irkupru ekonomiku tal-Ewropa, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tirċievi biss EUR 22 biljun li, skont il-KE (14), tinkludi l-investiment tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, inkluż il-kofinanzjament nazzjonali. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-użu ta’ fondi addizzjonali: dawn jinkludu EUR 55 biljun għall-2020-2022 minn REACT-EU u EUR 86 biljun mill-FSE+ li jistgħu jintużaw ukoll mill-pajjiżi għall-appoġġ għall-impjieg għaż-żgħażagħ, fost diversi fondi oħra. Ir-riċerka (15) tissuġġerixxi li jista’ jinkiseb appoġġ effettiv taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ riveduta b’mill-inqas EUR 50 biljun fis-sena. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Istati Membri b’kalkoli ċari u linji gwida dwar l-ammont sħiħ ta’ investiment fil-livell tal-UE biex tiġi appoġġjata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u evalwazzjoni dwar l-użu effettiv tagħha. Peress li l-mekkaniżmu ta’ appoġġ imsaħħaħ bl-investiment pubbliku għandu jkun sostenibbli, il-Kumitat jilqa’ li l-appoġġ immirat għaż-żgħażagħ ġie integrat fis-Semestru Ewropew.

3.7.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-inizjattiva tal-politika tipproponi approċċ immirat għall-individwi vulnerabbli abbażi ta’ sħubija usa’ mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tiffoka fuq id-dimensjoni tal-ġeneru. Sħubijiet bħal dawn jeħtieġ li joperaw lil hinn mill-bliet kapitali nazzjonali, fil-komunitajiet lokali, u jiksbu feedback direttament mingħand iż-żgħażagħ. Huwa importanti li ż-żgħażagħ jiġu appoġġati biex jibdew il-ħajja tal-familja u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal li jmiss għandha tinkludi dispożizzjonijiet għal żgħażagħ impjegati u qiegħda li għandhom it-tfal, u b’hekk il-politika tintrabat mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

3.8.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon proposti għall-appoġġ tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Ekonomija Soċjali, u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ħiliet ekoloġiċi fil-livell lokali, b’enfasi speċjali fuq il-gruppi vulnerabbli. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi lill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevant, speċjalment l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fl-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni bħal dan, biex tinkludi l-esperjenza taż-żgħażagħ, l-apprendisti, it-trainees u l-ħaddiema żgħażagħ. Il-bidu ta’ negozji taż-żgħażagħ jeħtieġ inkoraġġiment u l-edukazzjoni intraprenditorjali jeħtieġ li tiġi promossa. L-opportunitajiet ta’ impjieg indipendenti fl-ekonomija diġitali u ekoloġika, offruti lill-gruppi li jbatu minn diskriminazzjoni u lill-gruppi vulnerabbli, jeħtieġ li jkunu konformi ma’ informazzjoni mmirata għal dawn il-gruppi u jeħtieġu appoġġ konkret għalihom. Il-korpi intermedjarji, bħalma huma s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, NGOs oħra rilevanti u t-trejdjunjins għandhom rwol essenzjali f’dan ir-rigward.

3.9.

Sabiex jiġu stabbiliti strateġiji effettivi għall-gruppi kollha ta’ żgħażagħ fil-bżonn, huwa importanti li tiġi definita b’mod ċar il-faxxa ta’ żgħażagħ koperti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ. It-tnaqqis fl-età obbligatorja tal-edukazzjoni fil-pajjiżi jista’ jkollu effett detrimentali, li jżid l-għadd ta’ NEETs. Il-KESE jilqa’ ż-żieda fl-età koperta mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ; diġà fl-2013 (16) kien irrakkomanda li l-limitu tal-età sabiex tiġi aċċessata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ jitla’ għal 30 sena, partikolarment f’dawn il-pajjiżi b’livelli ogħla ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Madankollu jħeġġeġ kawtela f’dan ir-rigward b’referenza għall-kwalità u l-kapaċità. Jista’ jkun hemm bżonn li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom flessibbiltà biex jiddefinixxu l-faxxa tal-età li jeħtieġu jappoġġjaw. Il-faxxa tal-età estiża m’għandhiex teskludi liż-żgħażagħ li diġà kellhom xi esperjenza ta’ xogħol u huma intitolati għall-benefiċċji tal-qgħad. Madankollu, huwa importanti li tiġi definita b’mod ċar il-firxa tal-faxxa tal-età.

3.10.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-kumpaniji jimpjegaw liż-żgħażagħ qiegħda u jipprovdulhom offerti ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Hemm bżonn li ntejbu r-rabta bejn l-impjiegi u l-kwalifiki u l-interessi taż-żgħażagħ qiegħda u nimmotivawhom b’offerti ta’ kwalità tajba u inklużivi għat-taħriġ ta’ aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid biex jinżammu fl-impjiegi kkonċernati. Madankollu, il-KESE jqis li l-Istati Membri għandu jkollhom flessibbiltà biex jiddeterminaw jekk jixtiqux jestendu jew le l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li jqisu n-natura u l-firxa tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.11.

Li sempliċiment tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhuwiex għan biżżejjed waqt li hemm kriżi, u hemm bżonn ta’ miżuri immedjati biex jiġu megħjuna ż-żgħażagħ. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru jeħtieġu jiżguraw li dak li qed jiġi offrut hawnhekk jista’ jipproponi soluzzjonijiet fit-tul għaż-żgħażagħ, jiżgura impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità tajba u għażliet ġusti ta’ reklutaġġ u żamma. Il-liġijiet tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi għandhom jiġu rispettati u promossi, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabta bejn il-livelli tal-kwalifiki u s-salarji kif ukoll id-demokrazija fuq il-post tax-xogħol. Iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-popolazzjoni adulta, b’mod partikolari jirċievu l-istess paga minima ki ukoll jibbenefikaw mill-istess aċċess għall-pensjonijiet u għall-istess livell ta’ protezzjoni kontra l-kuntratti ta’ impjiegi prekarji (kuntratti ta’ żero sigħat), traineeships mingħajr ħlas jew impjiegi indipendenti fittizji. Il-kuntratti qosra u temporanji għaż-żgħażagħ jistgħu jsolvu problemi urġenti, iżda l-prekarjetà fit-tul hija ugwalment ta’ ħsara għaż-żgħażagħ, għall-kumpaniji u għall-ekonomija.

3.12.

Il-flessibbiltà hija kruċjali fir-rigward tal-perjodu ta’ erba’ xhur tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ wara r-reġistrazzjoni ma’ fornitur tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li normalment ikun servizz pubbliku ta’ impjieg. Offerta ta’ impjieg jew edukazzjoni jew opportunità ta’ taħriġ għandhom jiġu proposti immedjatament (17), iżda għandhom ikunu wkoll soluzzjoni ta’ kwalità tajba u offerta ta’ impjieg jew edukazzjoni jew opportunità ta’ taħriġ ta’ kwalità tajba. Dan għandu jqis il-proċeduri kultant twal ta’ validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, li jistgħu jiġu kkombinati mad-disponibbiltà tat-taħriġ offrut matul ċertu perjodu ta’ żmien. Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ erba’ xhur u jingħata appoġġ individwali, is-sistemi tal-validazzjoni u tal-għoti ta’ taħriġ għandhom ikunu aktar flessibbli u aġli.

3.13.

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tibda bi gwida u konsulenza professjonali ta’ kwalità tajba għaż-żgħażagħ fl-edukazzjoni bikrija; ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali idealment għandhom iwasslu għal kwalifika li tiddefinixxi b’mod ċar il-livelli EQF/NQF u titlu jew ċertifikat professjonali li jindikaw b’mod ċar liema kompiti u ħiliet huma ċċertifikati u kif iċ-ċertifikat jorbot mal-kwalifika sħiħa. Il-qafas il-ġdid tal-Europass għandu jagħmilha possibbli li fis-CV tal-Europass jiġu inklużi t-tipi kollha ta’ ċertifikati u kwalifiki, b’mod ċar u prattiku.

3.14.

Il-mikrokredenzjali huma soluzzjonijiet alternattivi għad-dokumentazzjoni ta’ ħiliet addizzjonali pprovduti minn kumpaniji jew minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Peress li fil-livell Ewropew m’hemmx definizzjoni jew fehim komuni ta’ mikrokredenzjali, tista’ tiġi kkunsidrata politika Ewropea oħra fir-rigward tal-mikrokredenzjali bħala għajnuna għaż-żgħażagħ meta dawn jiżdiedu mal-kwalifiki sħaħ u wara li jkun hemm fehim u definizzjoni fil-livell Ewropew tal-mikrokredenzjali mal-unions tal-ħaddiema u l-impjegaturi.

3.15.

Il-kriżi tal-COVID kellha impatt fuq id-dispożizzjonijiet tal-apprendistati; f’ħafna setturi ekonomiċi affettwati mill-konfinament, l-apprendisti kellhom jipposponu l-apprendistati tagħhom jew saħansitra ngħataw is-sensja; f’setturi oħra, l-apprentisti komplew l-apprendistati tagħhom permezz ta’ attività ta’ proġett id-dar jew simulazzjonijiet. It-tqabbil tal-postijiet ta’ apprendistat fil-kumpaniji mal-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huwa tassew problema, u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi b’mod partikolari għandhom jirċievu aktar informazzjoni minn kumpaniji privati u pubbliċi ta’ kull daqs biex jappoġġaw l-iskejjel u l-għalliema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jippruvaw isibu postijiet ta’ tagħlim prattiku għall-apprendisti futuri.

3.16.

Il-KESE jenfasizza li l-apprendistati mhumiex biss għaż-żgħażagħ, hekk kif l-ewwel paragrafu tal-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi jenfasizza dan il-fokus doppju tal-apprendistati għaż-żgħażagħ u għall-adulti. Il-fatt li l-apprendistati tpoġġew fid-dokument ta’ politika dwar l-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ jikkontribwixxi għal fehim żbaljat tal-apprendistati bħala li huwa limitat għaż-żgħażagħ. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri jżidu l-offerti ta’ tagħlim u t-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol permezz ta’ apprendistat ta’ kwalità tajba jew dispożizzjonijiet dwar l-apprendistati. Dan jista’ jipprovdi wkoll appoġġ effettiv biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u jkun jista’ jiżgura integrazzjoni aħjar tal-migranti u r-refuġjati fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi rispettat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u l-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships.

3.17.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati tiġġedded u tingħata spinta ġdida. Filwaqt li l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati kisbet profil għoli fir-rigward tal-provvista ta’ apprendistat billi żdied in-numru ta’ wegħdiet mill-kumpaniji, dan mhuwiex biżżejjed. L-intrapriżi mikro u żgħar għadhom jiffaċċjaw sfidi konsiderevoli biex joffru postijiet ta’ apprendistat. Għalhekk għandha titħeġġeġ il-provvista ta’ “apprendistat kollaborattiv” offruta minn diversi kumpaniji. Il-kwalità u l-effikaċja tal-apprendistati kollha għandhom jiġu żgurati b’referenza għall-kriterji pprovduti mill-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u l-kumpaniji għandhom jiġu rikonoxxuti u assenjati mill-Kummissjoni skont il-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi.

3.18.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi akbar tal-Kummissjoni biex tiżgura apprendistati fis-setturi diġitali u ekoloġiċi iżda jinnota li apprendistati ta’ kwalità tajba għandhom jiġu offruti wkoll fi kwalunkwe setturi oħra li għaddejjin minn tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi.

3.19.

Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u sistemi ta’ apprendistat ta’ suċċess li jwasslu għal impjiegi ta’ kwalità jeħtieġu djalogu soċjali effettiv mat-trejdjunjins u r-rappreżentanti tal-impjegaturi. Il-KESE jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali, u jistgħu jissaħħu aktar il-possibbiltajiet għall-bini tal-kapaċitajiet permezz tas-servizzi ta’ appoġġ għall-apprendistat tal-Kummissjoni. Filwaqt li diversi msieħba soċjali settorjali diġà wiegħdu appoġġ għall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, il-KESE jenfasizza l-awtonomija tal-kumitati Ewropej għad-djalogu soċjali settorjali, li jiddefinixxu l-programm ta’ ħidma għalihom stess skont il-prijoritajiet konġunti miftiehma.

3.20.

Għal dawk iż-żgħażagħ qiegħda li diġà ngħataw kwalifika, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha sservi wkoll bħala garanzija ta’ impjieg (18). Dan ifisser li ż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel esperjenza tagħhom ta’ impjieg fis-settur pubbliku jew f’dak mingħajr skop ta’ qligħ.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ara s-suġġerimenti tal-ETUC dwar il-kriterji ta’ kwalità fir-Riżoluzzjoni tal-ETUC dwar iż-Żgħażagħ bit-titolu “Revisited fight against youth unemployment” (Il-ġlieda riveduta kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ), 2020.

(2)  ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.

(3)  Eurostat, data miġbura f’Awwissu 2020.

(4)  Intereconomics, artiklu dwar “COVID-19 Crisis: How to Avoid a ‘Lost Generation’”, 2020 (Il-kriżi tal-COVID-19: kif tiġi evitata li tintilef ġenerazzjoni, 2020)

(5)  23,5 % b’5,5 miljun żagħżugħ (taħt il-25 sena) li kienu qiegħda f’Settembru 2013 (Eurostat).

(6)  Eurofound (2015), “Social inclusion of young people” (Inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ).

(7)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

(8)  Eurydice: Compulsory Education (Edukazzjoni obbligatorja) 2018/19. L-età sa meta l-edukazzjoni hija obbligatorja hija 15-il sena f’7 pajjiżi tal-UE, 16-il sena f’16-il pajjiż, 17-il sena f’pajjiż wieħed, u 18-il sena fi 3 pajjiżi, filwaqt li hija 16-il sena f’5 Länder Ġermaniżi u 18-il sena fi 11-il Länder.

(9)  Forum Ewropew taż-Żgħażagħ Forum: Updated position on the Implementation of the Youth Guarantee (Pożizzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija taż-Żgħażagħ), 2018.

(10)  L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tal-KESE: Studju dwar l-impjieg taż-żgħażagħ, 2014.

(11)  SWD(2020) 124 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  COM/2020/276 final.

(13)  ILO, Dokument ta’ Ħidma dwar “The European Youth Guarantee: A systematic review of its implementation across countries” (Il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ: reviżjoni sistematika tal-implimentazzjoni tagħha fil-pajjiżi), 2017.

(14)  COM/2020/276 final.

(15)  Intereconomics, artiklu dwar “COVID-19 Crisis: How to Avoid a ‘Lost Generation’”, 2020 (Il-kriżi tal-COVID-19: kif tiġi evitata li tintilef ġenerazzjoni, 2020)

(16)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101.

(17)  ĠU C 161, 06.06.2013, p. 67.

(18)  Pavlina R. Tcherneva, Levy Economics Institute, Working Papers Series No. 902, “The Job Guarantee: Design, Jobs, and Implementation” (Il-garanzija tal-impjiegi: it-tfassil, l-impjiegi u l-implimentazzjoni), 2018.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)”

(COM(2020) 258 final)

(2021/C 10/09)

Relatur:

Ionuț SIBIAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 12.8.2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

9.9.2020

Adottat fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni tal-plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

226/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-istrateġija tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-vittmi għall-perjodu 2020-2025, li tappoġġja l-ippjanar fit-tul u l-implimentazzjoni koordinata adegwata tal-politiki f’firxa wiesgħa ta’ setturi, filwaqt li tiżgura li ma tintesa l-ebda vittma.

1.2.

Il-KESE jemmen li, sabiex tkun operattiva, l-istrateġija teħtieġ pjan ta’ azzjoni ċar b’dettalji dwar kif u meta għandhom jiġu implimentati l-azzjonijiet, u liema eżiti huma mistennija.

1.3.

L-istrateġija proposta għandha tinqara u tiġi implimentata flimkien ma ‘strateġiji oħra tal-UE: l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, l-Istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, l-Istrateġija għall-Ugwaljanza LGBTI, il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).

1.4.

L-istrateġija proposta għandha tipprovdi aktar gwida u ħarsa ġenerali dettaljata dwar kif l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw standards ta’ kwalità għolja u jistabbilixxu għodod aċċessibbli, ġusti u effettivi biex jappoġġjaw lill-vittmi fl-aċċess tagħhom għal servizzi restorattivi bħal dawn.

1.5.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tuża l-istrateġija biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw il-ġbir tad-data u l-konsultazzjoni mal-komunitajiet u l-vittmi u l-vittmi potenzjali, u twettaq valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet biex tiggwida t-tfassil tal-politika u r-rispons istituzzjonali. Viżjoni unifikata dwar il-ġbir tad-data fir-rigward tal-vittmi ta’ reati kriminali, li tista’ tiġi żgurata permezz ta’ din l-istrateġija, tippermetti rispons aħjar u aktar immirat.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li r-rwol tan-network propost tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, imsemmi fl-istrateġija, għandu jiġi estiż ukoll sabiex ikopri l-objettivi u r-riżultati fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni ta’ dan it-tip ta’ reat kriminali, rilevanti b’mod speċjali meta jkollu komponent transnazzjonali.

1.7.

F’termini tal-azzjonijiet ewlenin proposti mill-istrateġija għall-Kummissjoni Ewropea, il-KESE jemmen li xi aspetti fl-istrateġija jistgħu jibbenefikaw minn aktar kjarifika, fosthom:

a.

Il-promozzjoni ta’ taħriġ ma għandux ikun limit għall-awtoritajiet ġudizzjarji u/jew tal-infurzar tal-liġi; il-ħtieġa li tiġi żgurata edukazzjoni professjonali kontinwa fir-rigward tat-trattament tal-vittmi ta’ reati, b’mod partikolari l-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda, hija rilevanti b’mod ugwali għall-ħaddiema soċjali u l-persunal mediku. Dan it-taħriġ għandu jinkludi b’mod espliċitu sessjonijiet ta’ preġudizzju u sterjotipar u għandu jitwettaq f’koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jipprovdu appoġġ lil gruppi vulnerabbli differenti.

b.

il-forniment ta’ finanzjament tal-UE lil organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi u organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità għandu jiġi kkomplementat b’kooperazzjoni msaħħa bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali (1). B’mod ġenerali, l-istrateġija għandha tinkludi gwida ċara għall-awtoritajiet tal-Istat dwar il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni mal-OSĊs u l-esperti biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-komunitajiet, u jitfasslu kampanji mmirati, sistemi ta’ rappurtar u appoġġ li huma kompletament aċċessibbli, ġusti u effettivi.

c.

Il-kampanji nazzjonali biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ komunitajiet partikolarment vulnerabbli, inklużi ċittadini mhux tal-UE, refuġjati u għal dawk li jfittxu ażil, u għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet lokali ta’ ħtiġijiet, xejriet, prattiki tajba u sfidi.

1.8.

L-esperjenza tal-COVID-19 għal darb’oħra wriet li l-awtoritajiet f’xi Stati Membri mhumiex mgħammra tajjeb biex jipprovdu xelters ta’ emerġenza jew għal żmien qasir, b’mod partikolari barra l-bliet kapitali. L-iżvilupp ta’ xelters ta’ emerġenza, djar sikuri u ċentri ta’ appoġġ u l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ integrati huma neċessità u jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi tas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-finanzjament tal-UE.

1.9.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tintegra l-aġenda tal-vittmi fil-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE, inklużi l-fondi tal-UE ġestiti fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

2.   Kuntest ta’ din l-Opinjoni

2.1.

Matul dawn l-aħħar tletin sena, id-drittijiet u l-politiki tal-vittmi għall-protezzjoni tagħhom żviluppaw fix-xena internazzjonali u Ewropea. Sar ħafna progress, fost affarijiet oħra, b’riżultat tal-adozzjoni ta’ firxa ta’ regolamenti tal-UE li jibbenefikaw lill-vittmi, jiġifieri d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tal-2012 u d-Direttiva dwar il-Kumpens tal-2004 u issa d-dokument “Għal strateġija ġdida tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-2020-2025”.

2.2.

Fl-adozzjoni tal-ewwel strateġija tagħha tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li l-vittmi kollha ta’ reati kriminali jkunu jistgħu jiżguraw li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati bis-sħiħ, irrispettivament minn fejn ikun sar ir-reat fl-UE.

2.3.

L-istrateġija tistabbilixxi għadd ta’ azzjonijiet għall-ħames snin li ġejjin, li jiffokaw fuq żewġ objettivi: l-ewwel, li l-vittmi jingħataw is-setgħa li jirrappurtaw ir-reat kriminali, jitolbu kumpens u fl-aħħar mill-aħħar jirkupraw mill-konsegwenzi tar-reat kriminali; it-tieni, li jaħdmu flimkien mal-atturi rilevanti kollha għad-drittijiet tal-vittmi.

2.4.

L-istrateġija tistabbilixxi wkoll għadd ta’ azzjonijiet għall-Kummissjoni, kif ukoll għall-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, għall-ħames snin li ġejjin.

2.5.

L-istrateġija hija bbażata fuq ħames prijoritajiet ewlenin: Komunikazzjoni effettiva mal-vittmi u l-provvediment ta’ ambjent sikur biex il-vittmi jirrappurtaw il-kriminalità; 2. it-titjib tal-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi l-aktar vulnerabbli; 3. l-iffaċilitar tal-aċċess tal-vittmi għall-kumpens; 4. it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-atturi dwar id-drittijiet tal-vittmi; u 5. it-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-vittmi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

B’mod ġenerali, il-ħames prijoritajiet tal-istrateġija x’aktarx li jiġġeneraw effetti pożittivi u jikkontribwixxu b’mod effettiv biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-qafas rilevanti tal-UE. Madankollu, jistgħu jiġu nnutati wkoll diversi punti ewlenin, kif ukoll kwistjonijiet trasversali.

3.2.

L-istrateġija tinkludi gwida limitata dwar l-importanza tat-twaqqif jew, skont il-każ, it-titjib tal-ilħuq u l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ rappurtar (kemm formali kif ukoll informali). Dawn il-mekkaniżmi għandhom jiġu integrati u aċċessibbli għall-kategoriji kollha tal-vittmi, irrispettivament mill-istatus tagħhom fl-Istat Membru rispettiv tal-UE, u għandhom jiġu adattati u jkunu flessibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Dan ikun jeħtieġ valutazzjoni tal-ħtiġijiet, dokumentazzjoni, ġbir tad-data u proċessi konsultattivi msaħħa, kif deskritt f’kummenti oħra hawn taħt.

3.3.

Filwaqt li l-istrateġija tagħmel għadd ta’ referenzi għall-isfidi ffaċċjati minn kategoriji vulnerabbli, din għandha tirreferi wkoll għar-refuġjati u għal dawk li jfittxu ażil, filwaqt li tirrikonoxxi l-vulnerabilità akbar tagħhom, bħala kategorija, għal reati Iżlamofobiċi, razzisti, ksenofobiċi u tipi oħra ta’ reati ta’ mibegħda.

3.4.

L-istrateġija tagħmel il-punt ġenerali li “Id-diffikultajiet tal-vittmi biex ikollhom aċċess għall-ġustizzja jkunu prinċipalment minħabba nuqqas ta’ informazzjoni, kif ukoll appoġġ u protezzjoni insuffiċjenti”. Ta’ min jenfasizza li aktar dettalji għandhom jiġu inklużi fl-istrateġija, f’termini tal-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi eżistenti jsiru mhux biss magħrufa aħjar, iżda ġeneralment aktar aċċessibbli (mir-rappurtar u l-awtoidentifikazzjoni għall-aċċess ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ jew rimedju). F’dan ir-rigward ta’ spiss jistgħu jkunu meħtieġa servizzi ta’ appoġġ, pereżempju, ħaddiema tal-komunità, persunal għall-protezzjoni tat-tfal għal migranti mhux akkumpanjati jew tfal li qed ifittxu ażil jew għal tfal fis-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal, persunal mediku, ħaddiema tas-saħħa mentali, interpreti għal dawk li ma jitkellmux il-lingwa lokali, eċċ. Dawn is-servizzi ta’ appoġġ għandhom jibbenefikaw b’mod ugwali mit-taħriġ, iżda bħalissa, il-biċċa l-kbira tar-referenzi għat-taħriġ dwar id-drittijiet tal-vittmi jirrelataw mal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura.

3.5.

Filwaqt li l-ewwel prijorità tal-istrateġija hija b’mod ċar li tiżgura komunikazzjoni effettiva mal-vittmi ta’ reati kriminali u ambjent sikur għall-vittmi biex jirrappurtaw ir-reati krminali, għad hemm tħassib kbir fir-rigward tal-iżgurar tal-eżistenza, il-funzjonament effettiv u l-aċċessibbiltà tas-sistemi ta’ rappurtar u reġistrazzjoni, speċjalment dawk informali, peress li l-istrateġija nnifisha tenfasizza li ħafna mill-komunitajiet u vittmi l-aktar vulnerabbli spiss joqogħdu lura milli jikkomunikaw mal-awtoritajiet, ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, jew jiffaċċjaw ostakli oħra fl-aċċess għar-rappurtar formali (mal-awtoritajiet). Anke jekk dawn is-sistemi ma jwasslux għal investigazzjonijiet kriminali, xorta jistgħu jeħtieġu aċċess għal tipi speċifiċi ta’ appoġġ u jistgħu jkunu rilevanti għall-forniment ta’ data f’kuntesti lokali jew nazzjonali – li għandhom ikunu kruċjali għat-tfassil tal-politika – u għall-ibbaġitjar u l-ippjanar tas-servizzi.

3.6.

Barra minn hekk, u fuq l-istess nota, jidher li hemm ftit jew l-ebda referenza fl-istrateġija għad-dokumentazzjoni jew għall-ġbir tad-data. Ir-rispons għall-ħtiġijiet tal-vittmi u l-implimentazzjoni ta’ qafas biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-vittmi, speċjalment fir-rigward tal-vittmi ta’ ċerti tipi ta’ reati kriminali – reati ta’ mibegħda, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru (SGBV), eċċ. – teħtieġ fehim sħiħ tal-kuntest lokali u komunitarju, aċċess għall-komunitajiet, valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u l-iżvilupp ta’ politika mmirata u soluzzjonijiet prattiċi. B’riżultat ta’ dan, l-istrateġija għandha ġeneralment tinkoraġġixxi lill-Istati, forsi permezz ta’ approċċ trasversali, biex jappoġġjaw il-ġbir tad-data u l-konsultazzjoni mal-komunitajiet u l-vittmi u l-vittmi potenzjali, u biex iwettqu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet bl-immappjar tal-aħjar prattiki f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiggwidaw it-tfassil tal-politika u r-rispons istituzzjonali.

3.7.

L-aħħar punt li għandu jiġi enfasizzat fir-rigward tal-ġbir tad-data huwa l-ħtieġa li l-awtoritajiet ewlenin (korpi tal-pulizija/ġudizzjarji/tal-prosekuzzjoni) jistabbilixxu sistemi effettivi li jippermettu li l-informazzjoni dwar il-vittmi ta’ reati kriminali tinġabar b’mod eżawrjenti u sistematiku, tiġi analizzata u użata fit-tfassil ta’ miżuri ta’ rispons immirati. Bħalissa, pereżempju, ftit Stati Membri tal-UE biss jiġbru informazzjoni diżaggregata dwar il-profili tal-vittmi ta’ reati kriminali. Tali informazzjoni tkun utli għal analiżi tat-tendenzi u x-xejriet, u tikkontribwixxi għat-tfassil ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni, kampanji ta’ informazzjoni, għodod ta’ rappurtar, mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni u ta’ rispons jew servizzi ta’ appoġġ.

3.8.

Barra minn hekk, il-kobor tal-fenomeni bħar-reati ta’ mibegħda huwaa diffiċli li jiġi stmat f’ħafna Stati Membri tal-UE, minħabba nuqqas ta’ sistemi ta’ rappurtar aċċessibbli, sistemi formali żżejjed biex jiġu rreġistrati inċidenti u/jew ilmenti (li jistgħu jkunu disponibbli biss għall-pulizija u/jew il-prosekuzzjoni), u n-nuqqas ta’ ċerti kriterji u gwida għall-ġbir tad-data fir-rigward tal-vittmi. Viżjoni unitarja tal-ġbir tad-data fir-rigward tal-vittmi ta’ reati kriminali, li tista’ tiġi żgurata permezz ta’ din l-istrateġija, tippermetti rispons aħjar u aktar immirat. Dan jorbot ukoll ma’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni u kif jistgħu jiġu implimentati (bħal dawk marbuta mar-razziżmu u l-ksenofobija), peress li dawn x’aktarx li jintlaqtu ħażin ukoll min-nuqqas ta’ data jew mill-analiżi xierqa tagħha.

3.9.

Fir-rigward tar-rappurtar, huwa importanti li jiġi ċċarat li l-istrateġija tħares lejn it-tliet pilastri li huma rilevanti biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-vittmi: a) l-identifikazzjoni (tal-vittmi ta’ reati kriminali), li tista’ ssir permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rappurtar formali u informali kif imsemmi f’kumment preċedenti; b) il-prevenzjoni u c) ir-rispons.

3.10.

Huwa żvilupp pożittiv li l-istrateġija fiha diversi referenzi għall-importanza tal-komunikazzjoni bejn il-professjonisti rilevanti u l-vittmi, b’mod li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi. Madankollu, għall-implimentazzjoni adegwata ta’ dan ir-riżultat partikolari, għandu jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu, u għandhom jiġu stabbiliti skemi ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet, għall-professjonisti rilevanti, li jippermettu l-identifikazzjoni u l-fehim adegwati ta’ dawn il-ħtiġijiet speċifiċi. Mingħajr identifikazzjoni bħal din, l-objettiv li jiġi żgurat rispons li jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi ma jistax jintlaħaq. Mekkaniżmu bħal dan jiddependi mill-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet ta’ bażi jew komunitarji. Dan mhux biss se jżid ir-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta’ reati kriminali minn membri ta’ komunitajiet vulnerabbli speċifiċi, u jikkontribwixxi għall-elaborazzjoni ta’ każijiet; se jtejjeb ukoll il-kapaċitajiet ġenerali tas-sistemi nazzjonali biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-vittmi u jipprovdi referenzi rilevanti u risponsi individwalizzati. L-istrateġija għandha, għalhekk, tinkludi enfasi fuq il-mezzi, jew kjarifika tagħhom, sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ reati kriminali.

3.11.

Fir-rigward tal-punt imsemmi hawn fuq, hemm diversi referenzi fl-istrateġija għall-vittmi bi “ħtiġijiet speċifiċi”, li “għandu jkollhom aċċess għal appoġġ speċjalizzat”. F’dan ir-rigward, il-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa, permezz tal-istrateġija, sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni u evalwazzjoni għal ħtiġijiet speċjali, li jinvolvu wkoll skambji regolari ma’ mekkaniżmi nazzjonali eżistenti oħra, bħall-mekkaniżmu kontra t-traffikar. Dan jippermetti skambji ta’ għarfien espert bejn diversi korpi, kif ukoll rispons aħjar, aktar komprensiv u olistiku li jaqbel sew mal-ħtiġijiet speċjali identifikati.

3.12.

Kwalunkwe servizz, kif ukoll kwalunkwe kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi, jeħtieġ li jiddependu b’mod ugwali fuq il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u l-konsultazzjonijiet mal-komunitajiet. Għandha tingħata attenzjoni partikolari mhux biss lit-tfal li jisfaw vittmi, lill-anzjani jew lill-vittmi b’diżabilità fit-tfassil ta’ kampanji ta’ informazzjoni bħal dawn, iżda wkoll għall-ħtiġijiet tar-refuġjati, ta’ dawk li jfittxu ażil u tal-vittmi migranti, pereżempju, li jistgħu jiffaċċjaw ukoll ostakli kbar fl-aċċess għall-informazzjoni, fir-rappurtar, jew servizzi ta’ appoġġ, inkluża d-diskriminazzjoni intersezzjonali.

3.13.

L-enfasi fuq it-taħriġ hija riflessa fl-istrateġija kollha – u tabilħaqq, hija kruċjali biex jiġu żgurati sistemi li jaħdmu mingħajr xkiel u biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-vittmi. Madankollu, jekk nirrikonoxxu l-impatt ta’ ċerti tipi ta’ reati, b’mod partikolari r-reati ta’ mibegħda, iċ-ċiberkriminalità, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru jew ir-reati li jaffettwaw lit-tfal, l-attivitajiet ta’ taħriġ m’għandhomx ikunu disponibbli biss għall-awtoritajiet ġudizzjarji u l-pulizija. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lit-titjib tal-ħiliet tal-persuni tal-ewwel rispons – li jistgħu jkunu ħaddiema tal-komunità, għallliema, persunal għall-protezzjoni tat-tfal, persunal tal-akkoljenza jew detenzjoni tal-immigranti jew pulizija tal-fruntieri. Dan huwa partikolarment minnu fil-kuntest ta’ migrazzjoni mħallta, inkluża l-migrazzjoni irregolari mħallta bejn l-Istati Membri tal-UE, ir-riskju li wieħed jisfa’ vittma tal-isfruttament u r-rapporti dejjem jiżdiedu ta’ vjolenza fil-fruntieri u fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza għall-ażil.

3.14.

Filwaqt li nilqgħu l-enfasi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tal-2012 dwar is-servizzi ta’ ġustizzja restorattiva u l-inferenza li servizzi bħal dawn għandhom primarjament jikkunsidraw l-interessi u l-ħtiġijiet tal-vittmi, l-istrateġija għandha tipprovdi aktar gwida u ħarsa ġenerali dettaljata dwar kif l-Istati jistgħu jimplimentaw standards ta’ kwalità għolja u jistabbilixxu għodod aċċessibbli, ġusti u effettivi biex jappoġġjaw lill-vittmi fl-aċċess tagħhom għal servizzi restorattivi bħal dawn.

3.15.

Fir-rigward tal-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru: filwaqt li l-istrateġija tipprovdi xi eżempji ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, tipi oħra ta’ vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru għandhom jiġu rikonoxxuti u speċifikati wkoll, pereżempju, prattiki tradizzjonali dannużi, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), iż-żwieġ tat-tfal eċċ. It-twessigħ ta’ din il-lista jikkontribwixxi għal aktar għarfien dwar dawn il-prattiki fost l-infurzar tal-liġi u professjonisti rilevanti oħra.

3.16.

Ir-rwol tan-Network tal-UE propost dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, imsemmi fl-istrateġija, għandu jiġi estiż ukoll biex ikopri l-objettivi u r-riżultati fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni ta’ dan it-tip ta’ reat (li huwa partikolarment rilevanti meta jkollu komponent transnazzjonali).

3.17.

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sessist fid-dinja tax-xogħol huma kkunsidrati bħala ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u huma theddida għad-dinjità tal-bniedem, il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti u l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-progress li jsir. L-imsieħba soċjali Ewropej iffirmaw ftehim awtonomu fl-2007 biex jindirizzaw din il-kwistjoni, li jeħtieġ li tiġi implimentata bis-sħiħ fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri. Fl-2019, fl-okkażjoni taċ-Ċentenarju tal-ILO, ġiet adottata l-Konvenzjoni Nru 190 – il-Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, li tidentifika miżuri għall-prevenzjoni ta’ atti ta’ vjolenza u għall-protezzjoni tal-vittmi u tindika għodod għal infurzar u rimedji effettivi, flimkien ma’ inizjattivi ta’ gwida, taħriġ u sensibilizzazzjoni. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jippromovu r-ratifika rapida ta’ din il-Konvenzjoni fost l-Istati Membri u jikkoordinaw attivitajiet possibbli ta’ segwitu fil-livell Ewropew.

3.18.

Kull meta t-traffikar jiġi indirizzat fl-istrateġija, l-impatt tat-traffikar u l-isfruttament fuq ċittadini mhux tal-UE u r-refuġjati jeħtieġ li jiġi rikonoxxut ukoll. Dan japplika wkoll għall-azzjonijiet ewlenin previsti fl-istrateġija, li għandhom jiffukaw ukoll fuq il-valutazzjoni ta’ kemm il-mekkaniżmi disponibbli għat-traffikar tal-vittmi huma aċċessibbli wkoll għal ċittadini mhux tal-UE (bħall-migranti, dawk li jfittxu ażil u r-refuġjati). Barra minn hekk, l-istrateġija għandha tinkludi miżuri ta’ appoġġ biex jissaħħu l-aċċessibbiltà, l-effettività u l-adattabbiltà tat-traffikar, il-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni u ta’ rispons, għar-refuġjati, il-migranti u dawk li jfittxu ażil li jsiru vittmi ta’ kriminalità relatata mat-traffikar.

3.19.

Fir-rigward tal-aċċess għall-kumpens għall-vittmi ta’ reati kriminali, l-idea li dan l-aċċess għandu jkun indipendenti minn (jew irrispettivament minn) l-istatus tal-vittma fi Stat Membru tal-UE, għandha wkoll tiġi riflessa aħjar fl-istrateġija. Sfortunatament, dawk li jfittxu ażil, ir-refuġjati u l-migranti spiss isibuha bi tqila li jfittxu kumpens meta jsiru vittmi ta’ reati kriminali, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni, in-nuqqas ta’ servizzi ta’ appoġġ infurmati u aċċessibbli, jew il-biża’ ta’ ritaljazzjoni jew effetti negattivi fir-rigward tal-istatus tagħhom. Jekk l-għan tagħha huwa li tagħti s-setgħa lill-vittmi, allura l-istrateġija għandha tolqot bl-istess mod dan it-tħassib u tipprovdi għal azzjonijiet immirati biex jitnaqqsu dawn in-nuqqasijiet li jiffaċċjaw kategoriji speċifiċi ta’ vittmi.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-ħames prijoritajiet tal-istrateġija

4.1.   Komunikazzjoni effettiva mal-vittmi u ambjent sikur għall-vittmi biex jirrappurtaw ir-reat kriminali

4.1.1.

Waħda mill-azzjonijiet ewlenin għall-Kummissjoni Ewropea tirreferi għat-taħriġ għall-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, il-ħtieġa li tiġi żgurata edukazzjoni professjonali kontinwa fir-rigward tat-trattament tal-vittmi ta’ reati, b’mod partikolari l-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda, hija rilevanti b’mod ugwali għall-ħaddiema soċjali u l-persunal mediku. Dan it-taħriġ għandu jinkludi b’mod espliċitu sessjonijiet ta’ preġudizzju u sterjotipar u għandu jitwettaq f’koordinazzjoni mal-NGOs li jipprovdu appoġġ lil gruppi vulnerabbli differenti.

4.1.2.

Fir-rigward tal-azzjoni ewlenija li għandha tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi finanzjament tal-UE lill-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi u lill-organizzazzjonijiet rilevanti bbażati fil-komunità: b’mod partikolari, tali finanzjament għandu jingħata sabiex jiġu żviluppati servizzi ta’ appoġġ bħala pakketti komprensivi – appoġġ legali u psikoloġiku biex jgħinu biex jinstab xogħol meta jkun meħtieġ, akkomodazzjoni ta’ emerġenza u sostenn għall-ispejjeż mediċi.

4.1.3.

Fil-livell tal-Istati Membri, l-azzjonijiet ewlenin proposti jibqgħu f’livell ġenerali ħafna u pjuttost retoriċi. L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva se tiġi żgurata jekk l-awtoritajiet nazzjonali jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw normi metodoloġiċi li jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi u lis-servizzi soċjali jirrikonoxxu l-vittmi ta’ reati (b’mod partikolari l-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda) u jipprovdu appoġġ adegwat.

4.1.4.

Fejn data diżaggregata dwar il-vittmi ta’ reati ma tkunx diġà nġabret mill-awtoritajiet nazzjonali, din għandha ssir prijorità, forsi bl-appoġġ tal-finanzjament tal-UE.

4.1.5.

L-Istati Membri għandhom jiġu inklużi fl-azzjonijiet ewlenin proposti dwar is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-mezzi disponibbli biex jiġu rrappurtati reati kriminali jibdew fl-iskejjel, bl-edukazzjoni ċivika. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-kurrikuli obbligatorji nazzjonali jinkludu informazzjoni dwar id-drittijiet, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u dwar il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni disponibbli, adattati għal-livell ta’ fehim tal-istudenti.

4.1.6.

Sabiex l-NGOs ikunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ taħriġ mal-awtoritajiet, filwaqt li jġibu magħhom esperjenza siewja tal-benefiċjarji u l-esperti li jappoġġjaw lill-vittmi ta’ reati, huwa importanti li dan il-kontribut jiġi rikonoxxut u mħallas permezz ta’ sħubijiet istituzzjonali (2).

4.2.   It-titjib tal-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi l-aktar vulnerabbli

4.2.1.

Fir-rigward tal-azzjoni ewlenija proposta għall-Kummissjoni Ewropea b’appoġġ għall-vittmi bi bżonnijiet speċjali bħal tfal li jisfaw vittmi, vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru jew dik domestika, vittmi ta’ reati ta’ mibegħda razzisti u ksenofobiċi, vittmi LGBTI+ ta’ reati ta’ mibegħda, vittmi anzjani u vittmi b’diżabilità: l-għoti ta’ appoġġ lil gruppi partikolarment vulnerabbli għandu jibda billi jiġu rikonoxxuti u l-karatteristiċi speċifiċi tal-istatus tagħhom, li spiss iwassal għall-vittimizzazzjoni tagħhom. Dan ikun ifisser l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni sekondarja u l-iżvilupp ta’ pakketti ta’ taħriġ li jispjegaw il-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi gruppi, l-aktar vulnerabbli, il-metodi ta’ kif jiġu intervistati li jevitaw it-trawmatizzazzjoni mill-ġdid u l-gwidi biex ikun hemm kuntatt mal-komunitajiet fejn dan ikun il-każ.

4.2.2.

Fir-rigward tal-azzjoni ewlenija proposta għall-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta l-prinċipji ta’ gwida dwar l-iżgurar tal-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, din għandha tiġi supplimentata bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tal-UE għall-monitoraġġ ta’ risponsi effettivi għal reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, permezz tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, li tista’ tiżviluppa aktar il-mekkaniżmu attwali tagħha għall-ġbir tad-data u tinkludi r-rappurtar nazzjonali u l-karatteristiċi ta’ twissija bikrija.

4.2.3.

Fir-rigward tal-azzjoni ewlenija proposta għall-Istati Membri li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari l-azzjoni mmirata biex tiżgura li l-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika jkollhom aċċess għall-appoġġ u l-protezzjoni u tistabbilixxi servizzi ta’ appoġġ speċjalizzati integrati u mmirati għall-vittmi l-aktar vulnerabbli, inklużi djar sikuri għat-tfal, il-familji, nisa vittmi tal-vjolenza sessista u għall-individwi LGBTI+. F’xi Stati Membri, l-esperjenza tal-COVID-19 għal darb’oħra wriet li l-awtoritajiet mhumiex mgħammra tajjeb biex jipprovdu kenn ta’ emerġenza jew għal żmien qasir, b’mod partikolari barra l-bliet kapitali. L-iżvilupp ta’ xelters ta’ emerġenza, djar sikuri u ċentri ta’ appoġġ u l-forniment ta’ servizzi integrati ta’ appoġġ huma neċessità u jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi privati, kif ukoll il-finanzjament tal-UE.

4.3.   L-iffaċilitar tal-aċċess tal-vittmi għall-kumpens

4.3.1.

Waħda mill-partijiet ikkonċernati rilevanti hija l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali li, permezz tan-network tagħha ta’ esperti indipendenti tal-Istati Membri (FRANET), twettaq analiżi annwali tal-leġislazzjoni u l-politiki adottati biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi u li tista’ wkoll tipproduċi rapporti tematiċi. Permezz tal-mandat tagħha, l-FRA tinsab f’pożizzjoni li tippromovi prattiki promettenti u li torganizza avvenimenti li fihom l-awtoritajiet ta’ kumpens jistgħu jiskambjaw l-ideat u jtejbu l-kooperazzjoni.

4.4.   It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni fost l-atturi rilevanti kollha

4.4.1.

Fir-rigward tal-Istati Membri, l-azzjoni proposta mmirata lejn il-bini ta’ soċjetajiet li huma aktar reżiljenti billi tippromovi involviment akbar tas-soċjetà ċivili fil-miżuri nazzjonali, hawnhekk il-kunċett ta’ “involviment tas-soċjetà ċivili” huwa wiesa’ wisq – assoċjazzjonijiet tal-pulizija, gwardji ta’ ċentri ta’ detenzjoni. assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili/tad-difiża u knejjes jagħmlu wkoll parti mis-soċjetà ċivili. L-involviment attiv ta’ dawk il-partijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu direttament mal-vittmi ta’ reati kriminali huwa essenzjali.

4.4.2.

Filwaqt li l-UE ffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul), fil-livell nazzjonali, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul qed tiġi attakkata f’xi Stati Membri, b’riżervi u interpretazzjonijiet li qed jitressqu b’reazzjoni għal retorika emerġenti ta’ “valuri tradizzjonali” li tiddeskrivi l-ġeneru, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-identità tal-ġeneru bħala sors ta’ erożjoni tal-identitajiet nazzjonali u li turi l-vjolenza domestika bħala tħassib dwar il-privatezza. L-UE għandha rwol fundamentali fis-salvagwardja tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Filwaqt li hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jiżviluppaw u jtejbu l-leġislazzjoni domestika, l-UE tista’ trawwem sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-protezzjoni kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Dan jista’ jinkiseb ukoll permezz tal-allokazzjoni ta’ finanzjament għall-iżvilupp ta’ moduli professjonali għall-edukazzjoni tal-professjoni legali, biex jiġu ffaċilitati l-iskambji u biex jiġi pprovdut appoġġ għall-NGOs li jagħmlu kampanja u jagħmlu xogħol ta’ promozzjoni, filwaqt li jipprovdu wkoll appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru.

4.5.   It-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-vittmi

4.5.1.

Il-koordinazzjoni madwar l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE fl-implimentazzjoni tal-istrateġija hija essenzjali sabiex l-UE tkun minn ta’ quddiem fl-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-NU għall-vittmi.

4.5.2.

L-UE għandha tuża programmi internazzjonali biex tiffinanzja attivitajiet barra mill-UE biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ liġijiet, politiki u servizzi, inkluż permezz tal-finanzjament għal attivitajiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet, li jkopru l-vittmi kollha ta’ reati kriminali.

5.   Finanzjament tal-UE

5.1.

Hija biss frazzjoni negliġibbli tal-baġit tal-UE li tintefaq fuq kwistjonijiet tal-vittmi. Dan jikkuntrasta mal-ispiża tar-reati kriminali għall-vittmi u s-soċjetà. Filwaqt li tqis l-importanza u n-natura trasversali tal-kwistjonijiet tal-vittmi, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa approċċ strateġiku għall-finanzjament tal-vittmi li jidentifika oqsma li x’aktarx jibbenefikaw l-aktar mill-finanzjament tal-UE u li jikkoordina l-inkorporazzjoni tal-prijoritajiet tal-vittmi fid-diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE, inklużi dawk li joperaw fuq livell nazzjonali u internazzjonali (3).

5.2.

Il-finanzjament huwa kritiku u għandu jingħata bl-użu ta’ approċċ mhux ibbażat fuq il-proġetti u fuq bażi pjuttost fit-tul b’taħlita ta’ finanzjament tal-UE u nazzjonali.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  F’termini, fost oħrajn, ta’ ġbir tad-data u dokumentazzjoni u mekkaniżmi ta’ rappurtar u aċċess għall-fondi, iżda wkoll l-istabbiliment ta’ sistemi lokali sostenibbli għas-servizzi ta’ appoġġ.

(2)  Bħala eżempju, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2016 dwar il-każ MC u AC vs. ir-Rumanija (każ ta’ reati ta’ mibegħda omofobiċi) u attwalment taħt is-superviżjoni mill-qrib tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-NGO ACCEPT Romania, li appoġġjat lill-atturi fil-każ, b’mod regolari tipprovdu taħriġ pro bono lill-Istitut Rumen għall-Istudji tal-Ordni Pubbliku (ISOP). Dan it-taħriġ jinkludi preżentazzjoni ta’ leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar reati ta’ mibegħda u xi tfisser l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru u tinkludi sessjonijiet prattiċi, simulazzjonijiet u libreriji ħajjin, fejn tliet jew erba’ membri tal-komunità LGBTI jipparteċipaw għal siegħa matul il-jum u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Dan huwa sforz uman u loġistiku enormi, li huwa pprovdut b’xejn mill-voluntiera tal-NGO u l-esperti affiljati mal-NGO. L-isfida reali, madankollu, tinsab fin-nuqqas ta’ sostenibbiltà u l-impatt limitat tas-sessjonijiet. Grupp żgħir biss ta’ 20-30 parteċipant huwa involut f’dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ minn mijiet ta’ rekluti ġodda jew eluf ta’ impjegati tal-Ministeru għall-Intern. Is-soluzzjoni tkun li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-kapaċitajiet interni fil-ġudikatura nazzjonali jew l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu korsijiet bħal dawn li jkunu integrati fl-edukazzjoni professjonali kontinwa.

(3)  Victim Support Europe, pjan direzzjonali għall-istrateġija dwar id-drittijiet tal-vittmi għall-2020-2024.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online”

[COM(2020) 568 final — 2020/0259 (COD)]

(2021/C 10/10)

Relatur Ġenerali:

Ionuţ SIBIAN

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 17.9.2020

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 18.9.2020

Bażi legali

Artikoli 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

246/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li kwalunkwe deroga mid-Direttiva 2002/58/KE għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa bil-għan li tiġi protetta l-privatezza taċ-ċittadini kollha. Iżda, f’dan il-każ, l-iskala tar-reat kriminali u l-effetti distruttivi tiegħu jitolbu li ssir eċċezzjoni.

1.2.

B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mar-Regolament propost għal deroga temporanjastrettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) u 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, li jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku.

1.3.

Fil-fehma tagħna, l-element provviżorju (li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025) mhuwiex iġġustifikat, u l-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu żviluppati u implimentati salvagwardji adatti b’rabta mal-privatezza qabel ma jilħqu jgħaddu ħames snin.

1.4.

Mil-lat tal-istandards tal-industrija għar-rappurtar u t-trasparenza previsti fl-Artikolu 3(e) tar-Regolament propost, il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li jkun hemm parti terza li, b’mod regolari, tagħmel testijiet/awditi, permezz tal-użu ta’ kampjun akkopjat ta’ materjal li ma jkunx ta’ abbuż sesswali tat-tfal, l-istess bħalma jintuża mill-Istitut Ewropew għar-Riċerka dwar l-Antiviruses tal-Kompjuter (EICAR) fl-industrija tal-antiviruses.

1.5.

Fil-fehma tagħna, il-Kummissjoni għandha torganizza kompetizzjoni miftuħa bi premju sostanzjali (1) biex tinkoraġġixxi mhux biss l-iżvilupp ta’ għodod ta’ sors miftuħ u standards tal-industrija, iżda wkoll l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet potenzjali ġodda għall-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ abbuż sesswali tat-tfal f’komunikazzjonijiet elettroniċi b’kriptaġġ minn tarf sa tarf.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea jkollha ċ-Ċentru Ewropew tagħha li jaħdem għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal, u l-ġlieda kontrih, u jitlob lill-Kummissjoni tħabrek sabiex jitwaqqaf u jiġi żviluppat ċentru bħal dan. Fil-fehma tagħna, iċ-ċentru għandu jibni fuq il-ħidma tal-Europol, u jaħdem ma’ kumpaniji u korpi għall-infurzar tal-liġi, bil-għan li l-vittmi jiġu identifikati u ssir ġustizzja fil-konfront tat-trasgressuri.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Skont data reċenti tal-Europol (2), il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt enormi fuq ir-reati kriminali online. L-ammont ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal kondiviż online żdied b’mod sostanzjali fil-perjodu tal-lockdown.

2.2.

Fl-2019, minn fost is- 16,9-il miljun rapport ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal li rċieva ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Istati Uniti għat-Tfal Nieqsa u Sfruttati (NCMEC), li jinkludi 45 miljun biċċa ta’ materjal identifkat bħala ta’ abbuż sesswali tat-tfal, 16,8-il miljun rapport kienu mill-fornituri ta’ servizzi elettroniċi (ESPs). Minn dawn, kważi 3 miljun immaġni u vidjo li juru materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal kienu ospitati fl-Unjoni Ewropea.

2.3.

Ir-regolament propost jinħtieġ peress li, meta fil-21 ta’ Diċembru 2020 jibda japplika għalkollox il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, ċerti servizzi tal-komunikazzjoni online (3) ser ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (Direttiva 2002/58/KE). Id-Direttiva m’għandhiex bażi legali espliċita għall-ipproċessar volontarju tal-kontenut jew tat-traffiku tad-data għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbuż sesswali tat-tfal online, u l-fornituri jkollhom itemmu l-attivitajiet tagħhom sakemm l-Istati Membri ma jadottawx miżuri nazjonali speċifiċi.

2.4.

Bi tweġiba għal dan, u bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq regolament li jkun strett fil-mira tiegħu biex tevita li jkun hemm lakuna leġiżlattiva fil-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjoni.

2.5.

Ir-Regolament propost jipprovdi garanziji għas-salvagwardja tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali:

jeħtieġ li l-ipproċessar ikun proporzonat u limitat għal teknoloġiji stabbiliti sew u użati regolarment minn servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri (NI-ICSs) għal dan l-iskop qabel ma jidħol fis-seħħ;

it-teknoloġija użata għandha tkun kompatibbli mat-teknoloġija tal-ogħla livell użata fl-industrija, u jeħtieġ li l-indħil fil-ħajja privata jinżamm fl-iżjed livell baxx possibbli;

it-teknoloġija nnifisha li tiġi użata għandha tkun affidabbli biżżejjed u tillimita r-rati tal-iżbalji kemm jista’ jkun possibbli, u tikkoreġi mill-iżjed fis kwalunkwe żball li jista’ jkun hemm;

għandha tintuża biss it-teknoloġija tal-“indikaturi ewlenin” biex tiġi identifikata s-“solleċitazzjoni tat-tfal”;

l-ipproċċesar ikun limitat għal dak li hwa strettament neċessarju għal dan il-għan;

tneħħija immedjata, sakemm ma jiġix identifikat abbuż sesswali tat-tfal;

l-obbligu li l-fornitur jippubblika rapport annwali dwar l-ipproċessar relatat tiegħu.

2.6.

Fil-verità, kulma tagħmel l-eċċezzjoni hu li żżomm il-prattiki attwali.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Simili għall-proġetti NESSIE u ECRYPT (eSTREAM) iffinanzjati mill-UE, jew kompetizzjoni li tixbah lil NIST dwar il-kriptografija.

(2)  Exploiting isolation: sexual predators increasingly targeting children during COVID pandemic, EUROPOL, Ġunju 2020.

(3)  Bħall-webmail jew is-servizzi ta’ messaġġerija.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli fl-Irlanda ta’ Fuq”

(COM(2020) 360 final — 2020/0165 (CNS))

(2021/C 10/11)

Konsultazzjoni tal-Kunsill

28.8.2020

Bażi legali

L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/0/9

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li, barra minn hekk, diġà ta fehmtu dwar is-sistema komuni ta’ valur miżjud fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu ta’ dwar il-Pakkett dwar il-VAT (I), adottata fl-14 ta’ Marzu 2018 (1)Il-Pakkett dwar il-VAT (II) adottata fit-23 ta’ Mejju 2018 (2), iddeċieda, matul il-555 sessjoni plenarja tiegħu mis-27 sad-29 Ottubru (seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020), b’209 voti favur u 9 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti imsemmija.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 40.

(2)  ĠU C 283, 10.8.2018, p. 35.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili”

(COM(2020) 220 — 2020/0097 (COD))

(2021/C 10/12)

Konsultazzjoni

Kunsill, 24.6.2020

Bażi legali

Artikoli 196 u 322(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sessjoni plenarja

29.10.2020

Sessjoni tal-plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/0/9

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li, barra minn hekk, diġà ta fehmtu dwar is-suġġett fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar It-tisħiħ tar-rispons tal-protezzjoni ċivili tal-UE – rescEU (1) u dwar Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili – emenda (2), adottati fit-18 ta’ Ottubru 2018 u fid-19 ta’ Ġunju 2019, iddeċieda, matul il-555 sessjoni plenarja tiegħu tas-27, it-28 u d-29 ta’ Ottubru 2020 (seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020), b’209 voti favur u 9 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 231.

(2)  ĠU C 282, 20.8.2019, p. 49.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ċerti dati oħra msemmija f’dak ir-Regolament”

(COM (2020) 483 final — 2020/0231 (COD))

(2021/C 10/13)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.9.2020

Kunsill, 14.9.2020

Bażi legali

L-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Opinjoni adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/0/9

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-555 sessjoni plenarja tiegħu tas-27, it-28 u d-29 ta’ Ottubru 2020 (seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020), b’209 voti favur u 9 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2021 sal-2027”

(COM(2020) 437 final — 2020/0209 (CNS))

(2021/C 10/14)

Konsultazzjoni

Kunsill, 16.9.2020

Bażi legali

Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Opinjoni adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/0/9

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-555 sessjoni plenarja tiegħu tas-27, it-28 u d-29 ta’ Ottubru 2020 (seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020), b’209 voti favur u 9 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)”

(COM(2020) 563 final — 2020/0036 (COD))

(2021/C 10/15)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 6.10.2020

Kunsill, 5.10.2020

Bażi legali

Artikoli 192(1) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Opinjoni adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

209/0/9

Fis-17 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999.

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima” (1), adottata fil-15 ta’ Lulju 2020, iddeċieda, matul il-555 sessjoni plenarja tiegħu tas-27, it-28 u d-29 ta’ Ottubru 2020 (seduta tad-29 ta’ Ottubru 2020), b’209 vot favur u 9 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 143.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/70


Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020”

(opinjoni addizzjonali)

(COM(2019) 650 final)

(2021/C 10/16)

Relatur:

Philip VON BROCKDORFF

Deċiżjoni tal-Bureau

28.5.2020

Bażi legali

Artikolu 32(1) tar-Regoli ta’ Proċedura u Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

250/0/6

Preambolu

Din l-Opinjoni hija parti minn pakkett ta’ żewġ Opinjonijiet ta’ segwitu, waħda dwar l-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020 (COM(2019) 650 final) u oħra dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2019) 652 final). L-għan huwa li jiġu aġġornati u żviluppati l-proposti preċedenti tal-KESE (1) , b’kont meħud tal-iżviluppi reċenti, l-impatt tal-COVID-19 u l-irkupru minnha, kif ukoll id-diversi rapporti u rakkomandazzjonijiet ippubblikati fis-Semestru Ewropew attwali. Dan il-pakkett jipprovdi input komprensiv tal-politika ekonomika, soċjali u ambjentali tas-soċjetà ċivili tal-UE għaċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew, li se jitnieda f’Novembru 2020. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jagħmlu użu minn dan l-input fil-Pakkett tas-Semestru tal-Ħarifa li ġej u fil-proċess deċiżjonali interistituzzjonali li se jirriżulta minnu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li huwa pożittiv li l-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020 qed tieħu pass importanti ’l quddiem lejn it-tħaddin ta’ mudell ekonomiku aktar soċjali, inklużiv u sostenibbli, tal-SDGs, u b’mod partikolari, tal-impenn li l-mudell tat-tkabbir attwali jiġi ttrasformat fi tkabbir “ekoloġiku”. Dan l-impenn jibqa’ partikolarment rilevanti minħabba l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-COVID-19, u jeħtieġ li jintwera fil-Pakkett tas-Semestru tal-Ħarifa li jmiss, li fih il-Kummissjoni Ewropea se tistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali għall-UE.

1.2.

Sabiex nirrispondu b’mod effettiv għall-effetti tal-COVID-19, il-KESE jemmen li kemm il-valutazzjonijiet tal-impatt ekonomiċi u soċjali huma meħtieġa. Dawn il-valutazzjonijiet se jippermettu lill-Istati Membri jifhmu bis-sħiħ l-impatt tal-effetti tal-COVID-19 fuq l-ekonomiji u l-moviment ta’ persuni, oġġetti u servizzi madwar l-UE. Barra minn hekk, il-gvernijiet jeħtieġ li jaġixxu malajr u b’mod qawwi sabiex tingħeleb il-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħha, u dan jista’ jsir biss jekk ikollhom fehim ċar ta’ dan l-impatt.

1.3.

Jeħtieġ li l-gvernijiet jirrispondu billi jadottaw politiki makroekonomiċi ta’ appoġġ sabiex jgħinu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u jiġi appoġġjat l-irkupru tad-domanda. Madankollu, biex dan iseħħ, il-KESE jirrakkomanda li ssir reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku u l-gvernijiet jingħataw biżżejjed spazju biex jimmanuvraw kif ukoll il-kapaċità li jwettqu investiment infrastrutturali tant meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Il-flessibbiltà fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat hija wkoll meqjusa neċessarja sabiex jingħata appoġġ lin-negozji ta’ kull daqs fit-trasformazzjoni lejn ekonomija diġitali u ekoloġika. L-aċċess għall-finanzi, speċjalment għall-SMEs, huwa wkoll vitali, kif ukoll ir-reviżjoni tal-Istrateġija għall-SMEs.

1.4.

L-istess loġika tapplika għall-qasam soċjali, fejn il-gvernijiet jeħtieġu miżuri tas-saħħa pubbliċi effettivi u b’riżorsi tajbin sabiex jipprevjenu kontaġju ulterjuri, u, daqstant importanti, jimplimentaw politiki mmirati sew biex jappoġġjaw sistemi tas-sigurtà soċjali, u biex jipproteġu d-dħul ta’ gruppi soċjali vulnerabbli li sofrew l-aktar minħabba dħul imnaqqas ikkawżat mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Is-sħubija fi trade union għandha tiġi mħeġġa wkoll bil-għan li tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li huwa tant meħtieġ f’dan iż-żmien ta’ kriżi.

1.5.

Minħabba l-COVID-19, it-tassazzjoni ġusta assumiet aktar rilevanza hekk kif il-gvernijiet qed jiffaċċjaw pressjonijiet finanzjarji kbar sabiex jappoġġjaw il-miżuri ta’ emerġenza. Madankollu, il-KESE jemmen ukoll li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-COVID-19 espona l-fraġilitajiet inerenti u l-inkompletezza tal-unjoni monetarja tal-Ewropa. L-UE ilha tiddiskuti l-unjoni fiskali, u l-pakkett ta’ rkupru u ta’ reżiljenza ta’ EUR 750 biljun, minkejja d-difetti tiegħu, jipprovdi evidenza li l-UE qed tieħu passi kbar lejn l-integrazzjoni. Jekk dan hux se jġib lill-Istati Membri eqreb lejn unjoni fiskali għad irid jiġi osservat, iżda huwa żgur li hemm bżonn ta’ konsiderazzjoni mill-ġdid dwar il-politika fiskali fi ħdan l-UE, anke bil-għan li jiġi appoġġjat l-investiment pubbliku fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-protezzjoni soċjali.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-mexxejja politiċi f’dan iż-żmien ta’ kriżi. In-negozjati li wasslu għall-pakkett ta’ rkupru u ta’ reżiljenza żvelaw fratturi fi ħdan l-UE, u tali fratturi mhumiex sinjal tajjeb ħafna fid-dawl tat-tiġdid maġġuri istituzzjonali u kostituzzjonali li huwa meħtieġ biex l-UE tibqa’ għaddejja b’mod aktar sod fuq saqajha jekk tixtieq tibqa’ rilevanti u koerenti daqs qatt qabel fl-Ewropa u globalment.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-pjan Next Generation EU u jqis li ġie adottat f’waqtu. Madankollu, il-pjan se jeħtieġ sforz enormi min-naħa tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni sabiex jiġi implimentat fl-istess ħin tal-baġit ġenerali ordinarju tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Għad fadal mistoqsijiet dwar id-differenzi fil-kapaċitajiet madwar l-UE u għalhekk jista’ jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet kif ukoll il-proċess għall-identifikazzjoni ta’ proġetti. Fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021-2027, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kunsill naqqas id-daqs tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni diġà kienet meqjusa mhux sodisfaċenti mill-Parlament Ewropew u mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020” (2).

1.8.

Iż-żmien huwa wkoll essenzjali; kwalunkwe dewmien bla bżonn fl-approvazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan maqbul jista’ jimmina serjament l-irkupru ekonomiku tal-UE u l-ilħuq tal-miri tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli (ASGS), filwaqt li jipperikola l-għajxien u l-benessri ta’ eluf ta’ ħaddiema u sidien ta’ negozji żgħar madwar l-UE.

1.9.

Il-KESE jqis li l-ASGS huwa opportunità għall-UE sabiex timxi lejn mudell ekonomiku li jagħti importanza indaqs kemm lill-objettivi ekonomiċi kif ukoll dawk soċjali/inklużivi. L-għanijiet tal-miri tal-ASGS ma għandhomx jiġu mxekkla minħabba sfidi ekonomiċi kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19. Jekk xejn, il-kriżi tal-COVID-19 uriet li d-dimensjoni soċjali hija daqstant importanti daqs id-dimensjoni ekonomika ta’ ħajjitna.

1.10.

Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-isforzi biex tiżdied il-produttività madwar l-UE, dan m’għandux jinkiseb għad-detriment tas-sostenibbiltà ekonomika jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-prosperità ekonomika hija vitali, u din tista’ tinkiseb jekk it-tkabbir iżid il-valur għall-ekonomija u s-soċjetà u jagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies, filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza għal xokkijiet eżoġeni futuri u jgħin biex ikun hemm konverġenza madwar il-pajjiżi u r-reġjuni.

2.   L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 u l-COVID-19

2.1.

Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett tal-Ħarifa, inkluż l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli (ASGS) 2020 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER). Il-messaġġ ewlieni mgħoddi fl-ASGS hu li t-tkabbir ekonomiku mhuwiex għan fih innifsu u li l-ekonomija trid taħdem għan-nies u għall-pjaneta. Il-bidla għal mudell ġdid ta’ tkabbir hija konsistenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għalhekk ekonomija li tirrispetta l-limitazzjonijiet tar-riżorsi naturali tagħna. Il-mudell il-ġdid tat-tkabbir ekonomiku huwa wkoll konsistenti mal-objettivi tal-impjiegi kif stabbiliti fil-JER, fejn il-ħolqien tal-impjiegi primarjament jirriżulta fi prosperità dejjiema fl-UE.

2.2.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jiġi definit bħala l-“mudell ta’ tkabbir ġdid sostenibbli” tal-UE li jgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif tixhed il-bidla parzjalment riflessa fl-erba’ prijoritajiet ġodda tal-ASGS: (a) is-Sostenibbiltà Ambjentali, (b) it-Tkabbir fil-Produttività, (c) Sens ta’ Ġustizzja u (d) l-Istabbiltà Makroekonomika. Dawn issa ħadu post it-“trijangolu virtuż” tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) ta’ qabel, jiġifieri investiment, sostenibbiltà fiskali u riformi strutturali.

2.3.

B’mod ġenerali, l-ASGS tieħu pass importanti ’l quddiem lejn it-tħaddin tar-retorika ta’ mudell ekonomiku aktar soċjali, inklużiv u sostenibbli, li jħaddan l-SDGs u b’mod partikolari l-impenn għat-trasformazzjoni tal-mudell ta’ tkabbir attwali fi tkabbir ekoloġiku. Dan huwa meqjus pożittiv mill-KESE. L-ASGS tiċċara wkoll li tirreferi għas-sostenibbiltà fit-tifsiriet kollha tagħha, mhux biss ambjentali. L-ambjent, il-produttività, l-ekwità u l-istabbiltà huma fil-fatt assenjati l-istess piż mill-Kummissjoni Ewropea (KE).

2.4.

Il-KE tqis ukoll li l-aġenda ekonomika l-ġdida se teħtieġ tranżizzjoni li trid tkun “ġusta u inklużiva u li tpoġġi n-nies fl-ewwel post” u li “l-kosti ma għandhomx jinġarru minn dawk l-aktar vulnerabbli”, filwaqt li tirrikonoxxi li “it-tibdil fil-klima nnifsu kif ukoll il-politiki paralleli meħtieġa biex jingħelbu l-isfidi li joħloq għandhom konsegwenzi distribuzzjonali sinifikanti”. Dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni inevitabbilment se jirriżulta f’kompromessi ewlenin bħall-ispejjeż dejjem jiżdiedu tat-trasport u t-telf potenzjali ta’ impjiegi. Il-KESE huwa tal-fehma li tali kompromessi se jeħtieġu valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u rispons adegwat mill-politiki soċjali u fiskali madwar l-UE. Dawn il-valutazzjonijiet issa ħadu dimensjoni ġdida minħabba l-impatt ekonomiku, soċjali, u sa ċertu punt, klimatiku, tal-COVID-19.

2.5.

L-impatt ekonomiku tal-COVID-19 kien essenzjalment triplu: huwa affettwa direttament il-produzzjoni, ikkawża tfixkil fil-katina tal-provvista u fis-suq, u kellu impatt finanzjarju fuq il-kumpaniji u s-swieq finanzjarji. L-impatt sħiħ fuq l-ekonomiji Ewropej, madankollu, ma jistax jiġi stmat f’dan l-istadju u fil-biċċa l-kbira se jiddependi fuq jekk l-Ewropa tesperjenzax it-tieni mewġa aktar tard din is-sena. Madankollu, jidher ċar li l-COVID-19 laqat l-ekonomiji b’mod qawwi. Iż-żmien tal-irkupru sussegwenti għadu inċert u l-kundizzjonijiet volatili flimkien mal-effetti tal-COVID-19 fuq is-swieq wasslu għal kontrazzjoni ekonomika madwar l-UE. Billi l-PDG kollettiv tal-UE-27 kien mistenni li jikber b’1,2 % fl-2020, issa huwa mbassar li jiċkien b’7,4 % minħabba l-COVID-19. B’kuntrast ma’ dan, il-kontrazzjoni esperjenzata matul il-kriżi finanzjarja fl-2009 wasslet għal tnaqqis ta’ 4,5 % għall-UE-28. Il-kriżi attwali issa tefgħet lill-UE lejn l-akbar reċessjoni fl-istorja tagħha, b’rati ta’ qgħad li għandhom jitilgħu għal 9 % minn 6,7 % fl-2019.

2.6.

Il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt ukoll fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali, bil-kura tas-saħħa, l-assigurazzjoni kontra l-qgħad u l-pensjonijiet, fost affarijiet oħra, taħt pressjoni mill-effetti tal-pandemija u l-pressjoni finanzjarja kkawżata speċjalment mill-finanzjament ta’ emerġenza u d-differiment tal-ħlas tat-taxxa. Hekk kif l-individwi u l-familji jesperjenzaw tnaqqis fil-livelli ta’ dħul u telf ta’ dħul, l-għadd ta’ persuni li jgħixu fil-faqar relattiv fl-UE huwa mistenni li jiżdied. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-COVID-19 hija importanti daqs il-valutazzjoni tal-effett fuq l-ekonomiji.

2.7.

L-impatt soċjali se jeħtieġ ukoll li jerġa’ jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-enfasi li l-ASGS tqiegħed fuq id-dimensjoni soċjali tal-UE. Id-drittijiet soċjali huma speċifikament imsemmija taħt l-għan ta’ sens ta’ ġustizzja tal-ASGS, inkluża d-dikjarazzjoni li “l-UE trid l-ewwel nett twettaq il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” biex issaħħaħ il-prestazzjoni ekonomika u soċjali. L-esperjenza tal-COVID-19 ipprovdiet evidenza tar-rwol importanti li l-Iskema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Benefiċċju tal-Qgħad jista’ jkollha, kif deskritt fl-ASGS, u li l-ħaddiema ta’ appoġġ jistgħu jirċievu fi żminijiet ta’ skossijiet ekonomiċi esoġeni. Madankollu, x’aktarx il-kriżi tal-COVID-19 se żżid l-inugwaljanzi eżistenti fis-suq tax-xogħol tal-UE u l-impatt negattiv jidher li huwa aktar evidenti għall-ħaddiema li għandhom inqas edukazzjoni u li huma f’impjiegi bi ħlas baxx, kif ukoll għall-ħaddiema żgħażagħ u n-nisa (3). Fil-forma attwali tagħha, l-ASGS ma tilħaqx bilanċ ugwali bejn id-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi fi ħdan l-UE. Għalhekk, hija meħtieġa enfasi aktar b’saħħitha fuq l-immirar ta’ adulti bi kwalifiki baxxi, id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, speċjalment minħabba l-effetti tal-COVID-19.

2.8.

F’xenarju ta’ rkupru, il-KESE jemmen ukoll li l-Patt Ekoloġiku għandu jkun ukoll Patt Ekonomiku u Soċjali, li jagħti lin-negozji u lill-konsumaturi inċentivi biex jaqilbu għal prodotti sostenibbli fuq naħa waħda, u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE billi jipprevjeni “ħsara” mit-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni, kif propost mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’dan il-kuntest, il-flessibbiltà massima fl-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat hija meqjusa neċessarja biex tippermetti li jiġu pprovduti inċentivi għall-investiment u l-parteċipazzjoni pubblika diretta f’intrapriża biex tingħata ħajja ġdida lill-attività ekonomika u biex jiġi ottimizzat il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fir-reġjuni affettwati mir-rekwiżit ta’ tranżizzjoni. Fl-istess ħin, it-tranżizzjoni għandha tfittex b’mod attiv li tnaqqas l-inugwaljanza u tiġġieled il-faqar bħala parti minn strateġija integrata ta’ tkabbir ekonomiku soċjali u sostenibbli.

2.9.

Il-produttività u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u soċjalment ta’ benefiċċju, flimkien ma’ bidliet strutturali adattivi, huma wkoll meħtieġa biex jappoġġjaw protezzjoni soċjali adegwata, mhux l-inqas pensjonijiet adegwati, dħul deċenti, impjiegi ta’ kwalità u servizzi pubbliċi — b’mod partikolari s-saħħa u l-akkomodazzjoni.

2.10.

L-ASGS tirreferi għal “tassazzjoni ġusta”, u ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u xi kultant ġirja bla waqfien lejn l-aktar livell baxx, naqqsu l-kapaċità tal-awtoritajiet fiskali li jiġbru t-taxxi meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ekonomija u tan-nies. L-ASGS tikkonferma wkoll ir-rwol tat-taxxa għall-finanzjament tal-istati soċjali, u tindika li “is-sistemi nazzjonali tat-taxxa u tal-benefiċċji għandhom jiġu ottimizzati biex jissaħħu l-inċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, biex jiżdiedu s-sens ta’ ġustizzja u t-trasparenza u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-adekwatezza tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali”. Għal darb’oħra fid-dawl tal-COVID-19, it-tassazzjoni ġusta assumiet rilevanza akbar mhux biss biex issostni miżuri ta’ emerġenza iżda wkoll biex tappoġġja l-finanzjament ta’ pjani ta’ rkupru nazzjonali u tal-UE fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil, b’mod partikolari l-investiment pubbliku fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-protezzjoni soċjali.

2.11.

Il-politika makroekonomika tibqa’ fundamentali biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli iżda l-ASGS irrikonoxxiet prospetti ta’ tkabbir inkwetanti meta tnediet tard is-sena l-oħra. Is-sitwazzjoni issa marret għall-agħar minħabba l-COVID-19 u dan jenfasizza għal darb’oħra r-rwol tad-dħul u l-infiq tal-gvern, kif definit mill-politika fiskali li hija rilevanti daqs il-politika monetarja. Ir-ritorn għall-awsterità mhijiex għażla minħabba l-effetti li ilhom jinħassu mill-kriżi finanzjarja. Baġit ibbilanċjat issa jidher li huwa pjuttost impossibbli għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, jekk mhux għal kollha, għallinqas fuq terminu qasir jew medju. Madankollu, l-objettiv ta’ stabbiltà makroekonomika huwa essenzjali għall-irkupru ekonomiku. Madankollu, dan ma jistax jintlaħaq sakemm il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ma jiġix rivedut lil hinn mill-attivazzjoni temporanja reċenti tal-klawżola liberatorja ġenerali wara l-COVID-19. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat li jappoġġjaw, inter alia, l-investiment ekoloġiku, hija meqjusa wkoll bħala meħtieġa.

2.12.

Il-proċess tas-Semestru, b’sostenibbiltà kompetittiva bħala l-komponent ewlieni tiegħu, se jkompli jikseb aktar importanza bħala kontrollur u indikatur sensittiv ta’ azzjonijiet ta’ politika u passi ta’ riforma meħtieġa. Madankollu, minħabba l-COVID-19 u l-enfasi b’saħħitha fuq l-irkupru ekonomiku, l-objettiv li jiġi żgurat it-tkabbir makroekonomiku ma jistax jintlaħaq mingħajr il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà. Għaldaqstant, ir-rilevanza li tiġi pprovduta bażi legali aktar b’saħħitha għall-involviment tas-soċjetà ċivili bħala msieħba ugwali fis-Semestru. Il-KESE jenfasizza wkoll kemm huwa importanti l-perjodu ta’ wara l-COVID-19 għall-UE. Ir-rilevanza sħiħa tagħha għan-nies tiddependi fuq l-effettività tal-pjan ta’ rkupru tagħha u tal-istrateġija ASGS tagħha li fil-prattika tissarraf fil-kapaċità tagħha li tagħmel titjib sinifikanti fil-ħajja tan-nies ordinarji.

3.   Ir-rispons tal-UE għall-COVID-19 u r-rilevanza tagħha għall-ASGS

3.1.

Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet ħażin lill-ekonomija tal-UE u lill-ekonomija globali. Ir-riċessjoni issa qed tikber għal għadd ta’ Stati Membri bil-potenzjal għal konsegwenzi profondi u livelli storiċi ta’ qgħad. Il-miżuri meħtieġa biex jitrażżan it-tixrid tal-marda rriżultaw fi tnaqqis sinifikanti fil-provvista u d-domanda. Attivitajiet ekonomiċi fit-trasport, il-bejgħ bl-imnut, il-manifattura, id-divertiment, l-ospitalità, ir-rikreazzjoni, is-snajja’ u l-kultura ntlaqtu b’mod serju ħafna. U huwa evidenti wkoll li l-fiduċja pubblika fir-rispons tas-saħħa għall-COVID-19 għandha effetti ekonomiċi diretti u immedjati.

3.2.

It-tfixkil fil-katina tal-provvista li għandu impatt fuq l-industrija tal-manifattura, u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-komoditajiet, flimkien ma’ żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti tal-kura tas-saħħa u tal-ICT, aggravaw aktar l-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Barra minn hekk, livelli mingħajr preċedent ta’ self mill-Istati Membri sabiex jiġi ffinanzjat ir-rispons inizjali ta’ emerġenza għall-pandemija xekklu l-kapaċità għal stimolu fiskali fl-iskala meħtieġa biex tiġi stabbilizzata l-ekonomija u biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u l-kriżi umana, biex ma nsemmux irkupru ekonomiku mgħaġġel wara l-kriżi.

3.3.

L-aktar li ntlaqtu kienu l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (4), dawk li jaħdmu għal rashom, u dawk li jaqilgħu il-paga mingħajr kuntratti (żero contracts). Il-kriżi bidlet b’mod drammatiku l-ambjent tan-negozju għall-SMEs, u din il-bidla qed ikollha effett negattiv enormi fuq mijiet ta’ eluf ta’ SMEs madwar l-UE. Il-bidla qed thedded ukoll ir-rwol ewlieni li l-SMEs għandhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-SMEs jipprovdu stabbiltà soċjali fil-livell lokali u reġjonali, fejn jaġixxu bħala s-sinsla tal-attività ekonomika fis-soċjetajiet. Dawn huma fiċ-ċentru tal-mudell tal-protezzjoni soċjali Ewropew, bis-sidien maniġers aktar interessati fl-iżvilupp fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul tal-kumpanija tagħhom u tal-ekonomija lokal milli fi profitti u fatturat fit-terminu qasir (5). Barra minn hekk, is-snajja’ u l-SMEs dejjem kienu minn ta’ quddiem fl-iżviluppi kulturali madwar l-Ewropa u għandhom rwol importanti biex jixprunaw il-bidla sostenibbli u jippreservaw il-wirt, il-valuri u l-għarfien espert. Issa aktar minn qatt qabel, l-SMEs huma kruċjali għall-vitalità taċ-ċentri tal-bliet u għall-attrazzjoni kontinwa ta’ żoni rurali peress li jipprovdu għall-bżonnijiet ta’ kuljum tal-popolazzjoni u jiggarantixxu l-istabbiltà soċjali u l-koeżjoni.

3.4.

Il-kriżi attwali qed taffettwa lil kulħadd bl-istess mod, iżda qed thedded li titfa’ lura l-avvanzi li saru fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri u żżid il-feminizzazzjoni tal-faqar, il-vulnerabbiltà għall-vjolenza, u tikkomprometti l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fil-forza tax-xogħol (6). Għalkemm l-impatt sħiħ tal-COVID-19 huwa kumpless wisq biex jiġi stmat, wieħed jista’ jsostni li hemm il-periklu li l-effetti tal-kriżi jreġġgħu lura għexieren ta’ snin ta’ progress fil-ġlieda kontra l-faqar u jaggravaw il-livelli ta’ inugwaljanza fl-UE u madwarha. Fl-istess ħin, jista’ jkun li l-Istati Membri jkollhom jiddedikaw aktar riżorsi finanzjarji u umani milli ppjanat jekk iridu jintlaħqu l-iskadenzi marbuta mal-kisba tal-għanijiet tal-SDGs.

3.5.

L-għeluq tal-iskejjel u tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla kellu firxa wiesgħa ta’ impatti negattivi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ, inkluż it-tagħlim interrott. Dan kollu jista’ jkollu konsegwenzi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, il-prospetti tal-karriera u l-qligħ potenzjali tul ħajjithom. Għalhekk, l-isforzi ta’ rkupru għandhom jappoġġjaw ukoll l-aċċess għall-broadband għal familji bi dħul baxx u l-forniment ta’ hardware tal-kompjuter għal skopijiet edukattivi għat-tfal tal-iskola.

3.6.

Fuq nota pożittiva, it-teknoloġiji diġitali saru faċilitatur pożittiv matul din il-kriżi, u ffaċilitaw il-kontinwità tan-negozju, it-tagħlim online u qarrbu lin-nies lejn xulxin aktar minn qatt qabel, filwaqt li għenuhom iżommu saħħa mentali tajba. Madankollu, l-inugwaljanza fl-aċċess għall-konnettività tal-broadband u l-inaċċessibbiltà tal-ICTs ifixklu l-parteċipazzjoni effettiva mill-bogħod u l-aċċess għall-arranġamenti ta’ tagħlim mill-bogħod.

3.7.

Aktar rilevanti għall-ASGS 2020 huwa li l-kriżi tal-COVID-19 jista’ jkollha effett profond u negattiv fuq l-isforzi tat-tkabbir sostenibbli. Tnaqqis fit-tul fir-ritmu ekonomiku jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-ASGS, u l-iskadenza tal-impenji dwar il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u l-SDGs. Ta’ min nammettu bla tlaqliq li stajna nkunu ppreparati aħjar għal din il-kriżi li kieku l-Istati Membri adottaw strateġiji aktar sostenibbli u ekonomikament reżiljenti qabel il-kriżi. Fil-fatt, il-COVID-19 kixfet dgħufija inerenti fl-ekonomiji tal-UE, b’mod partikolari d-dipendenza żejda tagħhom fuq politiki ekonomiċi li fil-biċċa l-kbira huma proċikliċi u fuq setturi ekonomiċi li huma vulnerabbli ħafna għal skossi ekonomiċi esoġeni.

3.8.

Fil-livell politiku, din il-kriżi kixfet il-ħtieġa ċara għal mexxejja politiċi b’kapaċitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jemmnu f’solidarjetà, trasparenza u kooperazzjoni. Dan mhuwiex iż-żmien għal interessi personali, ir-rekriminazzjoni jew il-politiċizzazzjoni. Fuq kollox, l-istat tad-dritt ma jistax jingħata importanza sekondarja fi żmien ta’ kriżi. Huwa ġeneralment preżunt li l-istat tad-dritt huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku (7) iżda l-istat tad-dritt huwa b’mod ċar kunċett multidimensjonali, li jinkludi varjetà ta’ komponenti diskreti, mis-sigurtà tal-persuni u d-drittijiet tal-proprjetà, għal kontrolli fuq il-gvern u t-trażżin tal-korruzzjoni. Dan, fil-fehma tal-KESE, huwa kompatibbli mas-sostenibbiltà ekonomika u għalhekk mal-ASGS.

3.9.

Ir-rispons tal-UE għall-COVID-19 kien mifrux u mmirat biex itaffi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19. Sommarju ta’ dawn l-inizjattivi huwa pprovdut fil-Figura 1 t’hawn taħt.

Figura 1

Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19

Image 1

3.10.

Dan kollu ta’ hawn fuq se jagħti spinta kbira lill-irkupru ekonomiku tal-UE. Il-Faċilità proposta għall-Irkupru u għar-Reżiljenza (il-“Faċilità”) se toffri appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għal investimenti pubbliċi u riformi tant meħtieġa li jagħmlu lill-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-futur. Se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi ekonomiċi u soċjali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżi, f’bosta oqsma bħal dawk soċjali, tal-impjiegi, tal-ħiliet, tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u tas-saħħa, iżda wkoll f’oqsma relatati mal-ambjent tan-negozju, inklużi l-amministrazzjoni pubblika u s-settur finanzjarju. Madankollu, waħda mill-mistoqsijiet li hemm bżonn tiġi indirizzata hija l-kapaċità tal-Istati Membri individwali li jimplimentaw ir-riformi u jrawmu l-investimenti fl-infrastruttura. Il-kapaċità tvarja minn Stat għall-ieħor u rispons koordinat fil-livell tal-UE jista’ jkun meħtieġ biex jiġu żgurati l-effiċjenza u l-effikaċja tal-investimenti.

3.11.

B’mod kruċjali, il-Faċilità se tiżgura wkoll li l-investimenti jiffukaw fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk jiġi żgurat irkupru sostenibbli f’konformità mal-ASGS. L-investiment fit-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali se jgħin biex tingħata spinta lill-effiċjenza fl-enerġija f’diversi setturi ewlenin tal-ekonomija u jgħin biex jinħolqu impjiegi u tkabbir sostenibbli. Dan jista’ potenzjalment jagħti vantaġġ lill-UE bħala l-ewwel pass fil-ġirja globali għall-irkupru, u jista’ wkoll jgħin biex l-Unjoni ssir aktar reżiljenti u inqas dipendenti minn diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista ewlenin.

3.12.

Is-suċċess ta’ din il-Faċilità se jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-identifikazzjoni u t-tħejjija meħtieġa biex jiġu kanalizzati l-proġetti rilevanti, f’konformità mal-prijoritajiet ippreżentati fis-Semestru Ewropew. Huwa kruċjali wkoll li l-politika ekonomika u soċjali tiġi allinjata mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet ipprovduti fil-proċess tas-Semestru. Il-KESE jappoġġja l-fehma li l-pjani ta’ rkupru u reżiljenza, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità, jiffurmaw parti integrali mill-proċess immirat lejn l-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kif deskritt fis-Semestru Ewropew. L-istrumenti għalhekk se jtejbu l-effettività tal-proċess u jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-ASGS 2020.

3.13.

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-istrumenti se jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-Istati Membri kkonċernati, u b’hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali. Huma jappoġġjaw ukoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali meħtieġa għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza ekonomika. Għal darb’ oħra, il-KESE jtenni r-rwol importanti tal-gvern fl-iżvilupp ta’ proġetti li huma ta’ benefiċċju għall-komunitajiet u għall-ekonomija b’mod ġenerali. Il-KESE jilqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissorvelja l-proċess kollu, jiġifieri l-identifikazzjoni, l-iżvilupp u t-twettiq ta’ proġetti eliġibbli, sabiex jiġi żgurat li dan isir b’mod trasparenti. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiżgura li t-trasparenza timplika wkoll li l-partijiet interessati rilevanti kollha jkunu involuti fil-proċess.

3.14.

F’konformità ma’ dan, huwa kruċjali li, il-finanzjament propost disponibbli skont il-pjan ta’ rkupru Next Generation EU jkun ġust, aċċessibbli u disponibbli għal dawk li jeħtiġuh l-aktar, b’mod partikolari l-SMEs, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-ASGS. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-finanzjament u l-appoġġ maħsuba għal dawn l-għanijiet jinħarġu permezz ta’ mezzi xierqa, bħall-aġenziji nazzjonali tal-iżvilupp, minħabba li l-SMEs tipikament jiffinanzjaw lilhom infushom permezz tas-settur bankarju (8). L-aċċess għall-finanzjament huwa ferm importanti għall-SMEs peress li jipprovdi l-likwidità meħtieġa kemm fil-fażi ta’ emerġenza tal-kriżi kif ukoll fil-fażi ta’ ħruġ u ta’ rkupru, u b’hekk jippermettilhom li jinvestu fi żvilupp ulterjuri fit-trasformazzjoni tal-ekonomija diġitali u ekoloġika. Tali investiment jgħin lill-SMEs jindirizzaw il-kwistjoni ta’ pagamenti tard b’mod effettiv u b’hekk jiżgura likwidità suffiċjenti għall-SMEs.

3.15.

Minħabba l-isfidi bla preċedent li qed jiffaċċjaw l-SMEs, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Istrateġija għall-SMEs biex tirrifletti ċ-ċirkostanzi l-ġodda li żviluppaw minn wara l-COVID-19. Il-KESE jappella wkoll għal governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi tal-implimentazzjoni tal-politika dwar l-SMEs. L-allinjament tal-azzjonijiet u l-baġits bejn il-livelli differenti ta’ governanza – Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali – u l-involviment effettiv tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozji fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma kruċjali.

3.16.

L-SMEs se jkollhom bżonn ukoll l-appoġġ ta’ spettorati Nazzjonali tas-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (OSH) u ta’ servizzi esterni speċjalizzati tal-OSH sabiex jivvalutaw ir-riskju ġdid assoċjat mal-COVID-19, u biex jimplimentaw b’mod korrett il-miżuri meħtieġa u jnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż relatati. Barra minn hekk, l-SMEs se jeħtieġu appoġġ biex jipprovdu t-tagħmir protettiv personali meħtieġ għall-impjegati fil-post tax-xogħol. It-trasparenza u l-komunikazzjoni effettiva huma essenzjali kemm għall-fornituri kif ukoll għas-sottokuntratturi u għall-klijenti.

4.   Ir-rikostruzzjoni tal-UE u l-ASGS

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-pjan Next Generation EU u jqis li ġie adottat f’waqtu. Madankollu, huwa evidenti ħafna li se jkun meħtieġ sforz kbir kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni biex jimplimentaw dan il-pjan flimkien mal-baġit ġenerali ordinarju tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Madankollu, iż-żmien huwa essenzjali; kwalunkwe dewmien bla bżonn fl-approvazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri maqbula jista’ jimmina l-irkupru ekonomiku tal-UE u l-ilħuq tal-miri tal-ASGS, filwaqt li jipperikola l-għajxien u l-benessri ta’ eluf ta’ ħaddiema u sidien ta’ negozji żgħar madwar l-Ewropa. Huwa daqstant ieħor importanti li l-objettiv li jitwettqu l-miri tal-ASGS ma jiġix limitat minħabba sfidi ekonomiċi jew konvenjenza politika fuq medda qasira ta’ żmien. Fir-rigward tal-QFP għall-perjodu 2021-2027, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kunsill naqqas id-daqs tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Il-proposta tal-Kummissjoni diġà kienet meqjusa mhux sodisfaċenti mill-Parlament Ewropew u mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020” (9).

4.2.

Dan ifisser li nimxu b’mod stabbli lejn mudell ta’ tkabbir li jqis li l-objettivi mhux ekonomiċi u dawk inklużivi huma importanti daqs l-objettivi ekonomiċi. Wasal iż-żmien li l-UE tkun aktar ambizzjuża u tistinka lejn mira aktar inklużiva: li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-akbar numru possibbli ta’ ċittadini tal-UE mill-akkomodazzjoni sal-kura tas-saħħa, filwaqt li nissalvagwardjaw l-ekosistemi tagħna, minn klima stabbli u ħamrija fertili għal oċeani f’saħħithom u saff protettiv tal-ożonu. Fi kliem ieħor, il-kejl tal-progress ekonomiku huwa mezz biex nimxu lil hinn minn tkabbir mhux sostenibbli u mhux inklużiv għal mudell ta’ tkabbir aktar sostenibbli u inklużiv.

4.3.

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li t-taqlib ekonomiku li nħoloq mill-kriżi qed iwassal għal rikonsiderazzjoni tal-użu tar-riżorsi u l-fraġilità tal-linji ta’ provvista. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-UE ssaħħaħ l-approċċi li jtejbu kemm ir-reżiljenza kif ukoll l-effiċjenza, bħall-ekonomija ċirkolari, l-azzjoni klimatika u possibbilment li tiżdied l-ambizzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali – it-tnaqqis maħsub fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

4.4.

F’unjoni monetarja bħaż-żona tal-euro, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi effettivi ta’ kondiviżjoni tar-riskji huma neċessità u għandhom jagħmlu possibbli spinta fiskali kbira li hija kredibbli, filwaqt li jnaqqsu d-diverġenzi fl-unjoni monetarja. Dan, fil-fehma tal-KESE, huwa kruċjali għar-rikostruzzjoni u għall-irkupru ekonomiku, kif ukoll għall-appoġġ ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Filwaqt li r-rikostruzzjoni u l-irkupru huma meħtieġa biex jinħolqu l-impjiegi u l-ġid fl-UE, hemm bżonn ukoll ta’ stimolu fiskali fuq skala kbira b’miżuri mmirati li għandhom l-għan li jipprovdu għajnuna lill-individwi li l-aktar li ntlaqtu ħażin mill-COVID-19. Il-miżuri jistgħu jinkludu varjetà ta’ mezzi biex jiġi ppreservat l-aċċess għas-saħħa u l-kundizzjonijiet bażiċi tal-għajxien.

4.5.

L-istimolu fiskali msemmi hawn fuq jiġi ffaċilitat minn Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir rivedut. Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir rivedut għandu jagħmel inqas enfasi fuq l-istima tad-defiċits baġitarji tal-Istati Membri aġġustati ċiklikament. Minflok, l-enfasi għandha tkun fuq il-monitoraġġ tat-tkabbir fin-nefqa pubblika. B’mod konkret, kull gvern jimpenja ruħu għal nefqa konsistenti mal-prospetti tat-tkabbir ekonomiku u mad-dħul mistenni mit-taxxa, u f’konformità ma’ mira ta’ dejn fuq perjodu medju. Dan jagħti lill-Istati Membri aktar spazju fiskali u aktar spazju għat-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali (fi sħubija mal-partijiet interessati) biex jimplimentaw pjani ta’ rkupru għal wara l-COVID-19 b’enfasi akbar fuq ir-rwol tal-gvern fit-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku. Naturalment, iż-żamma tal-istabbiltà makroekonomika hija prerekwiżit għal tkabbir ekonomiku sostnut u inklużiv. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-objettiv tal-politika makroekonomika huwa sostenibbiltà fit-tkabbir ekonomiku, fil-preservazzjoni ambjentali u fil-benesseri soċjali b’mod ekwu u bilanċjat. B’mod aktar speċifiku, peress li l-qgħad u n-nuqqas ta’ impjieg huma l-kawżi ewlenin tal-faqar, kompitu kritiku huwa li l-ekonomija tinżamm kemm jista’ jkun qrib l-impjieg sħiħ.

4.6.

Il-fażi ta’ rikostruzzjoni u rkupru għandha tpoġġi l-aspett soċjali fuq l-istess livell tad-dimensjoni ekonomika. L-attività ekonomika sostenibbli tirrigwarda r-rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet. Is-sostenibbiltà ekonomika, inkluż l-investiment kapitali, hija marbuta mill-qrib ħafna mad-dimensjoni ekoloġika, bħall-użu ekonomiku tar-riżorsi u l-enerġija, iżda hija marbuta wkoll mad-dimensjoni soċjali, fejn il-ħolqien u s-salvagwardja tal-impjiegi b’paga ġusta u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin jitqiesu daqstant ieħor importanti. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-Linji Gwida tal-UE dwar l-Impjiegi għandhom jiġu aġġornati fid-dawl tal-COVID-19, u valutazzjoni tal-effetti fuq is-suq tax-xogħol tista’ tkun punt ta’ tluq.

4.7.

Kif imsemmi fil-punt 4.6, l-attività ekonomika sostenibbli tappoġġja d-dimensjoni ekoloġika, u l-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jitqies bħala opportunità biex jinkisbu kemm benefiċċji ekonomiċi (definiti bħala privati u soċjali) kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jkun komponent ewlieni għar-rikostruzzjoni u l-irkupru filwaqt li jiġi indirizzat kwalunkwe impatt soċjali negattiv li jirriżulta mill-bidla lejn attività ekonomika sostenibbli.

4.8.

L-istess argument japplika speċifikament fil-każ tad-diġitalizzazzjoni, b’enfasi fuq l-effiċjenza, filwaqt li jiġi minimizzat kwalunkwe effett negattiv ikkawżat mit-tranżizzjoni lejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi. Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali sabiex jinżammu l-operazzjonijiet tan-negozju. Il-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni fost l-SMEs fis-setturi kollha trid tiġi aċċellerata u estiża, u jeħtieġ li l-inizjattivi jiffukaw fuq il-promozzjoni orjentata lejn il-prattika u l-espansjoni ta’ proċessi ta’ negozju diġitali fl-SMEs, fis-sigurtà tal-IT u fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. Barra minn hekk, il-hubs ta’ innovazzjoni diġitali (DIH) iridu jkunu miftuħa għat-teknoloġija u jkollhom l-għan li jiddiġitalizzaw l-SMEs lokali. Il-gvern elettroniku għandu wkoll rwol ewlieni x’jaqdi, biex jippermetti proċeduri amministrattivi online sabiex jitneħħew l-ostakoli u jitħaffu l-proċessi. Billi jkunu diġitali, permezz ta’ inizjattivi “gvern elettroniku” u billi jnaqqsu l-burokrazija u l-piżijiet regolatorji għall-SMEs, l-awtoritajiet pubbliċi joħolqu ambjent diġitali aktar aċċessibbli għall-intraprendituri.

4.9.

L-istat tad-dritt u, speċjalment, il-governanza ekonomika għandhom rwol ewlieni fil-kisba ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-governanza ekonomika hija mezz essenzjali għall-iżgurar tal-ekwità soċjali u ekonomika iżda għal skopijiet ta’ sostenibbiltà tirrikjedi fehim u rispett tal-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet ta’ gruppi ta’ interess differenti fis-soċjetà, kif ukoll tipprova tirrikonċilja dawn id-differenzi. F’dan ir-rigward, huma meħtieġa passi urġenti biex tiġi appoġġjata l-estensjoni tas-sħubija u l-parteċipazzjoni fi trade unions fost il-livelli dejjem jiżdiedu tal-forza tax-xogħol li bħalissa mhumiex rappreżentati.

4.10.

Il-produttività ogħla hija kruċjali biex tikkumpensa għax-xejriet demografiċi, u biex tappoġġja l-konverġenza ’l fuq fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha, b’mod speċifiku dawk il-pajjiżi u r-reġjuni madwar l-UE li jeħtieġu rati ta’ żvilupp u produttività ogħla mill-medja biex jintlaħqu livelli li jgħinu biex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli. Biex ekonomija tikber b’mod sostenibbli fil-futur, din jeħtieġ li żżid il-kapaċità tagħha li tikber, iżda sal-punt fejn dan it-tkabbir iżid valur lill-ekonomija, lis-soċjetà u lin-nies. Għaldaqstant, produttività ogħla hija mezz biex jintlaħaq għan: jiġifieri l-għan li jintlaħqu kundizzjonijiet aħjar tal-għajxien, ambjentali u tax-xogħol li jkunu proporzjonati mal-ħiliet u l-kwalifiki speċifiċi għall-impjieg. F’dan il-kuntest huwa meħtieġ li jiġu segwiti strateġiji biex tittejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi fis-swieq domestiċi u globali bil-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema nfushom, biex tiġi appoġġjata klima favorevoli fir-relazzjonijiet industrijali.

4.11.

COVID-19 kien mument kruċjali għall-UE u l-istorja se tiġġudika l-effikaċja tar-rispons tagħna mhux permezz ta’ miżuri immedjati mmirati lejn l-appoġġ ta’ individwi u familji affettwati mill-effetti ekonomiċi u soċjali tal-lockdown, iżda b’kemm ir-rispons fuq medda medja u twila ta’ żmien se jirriżulta f’rikostruzzjoni u f’irkupru li jagħmel differenza reali għal miljuni ta’ ċittadini tal-UE.

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 120, 14.4.2020, p. 1ĠU C 120, 14.4.2020, p. 7.

(2)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106.

(3)  Fana, M., Tolan, S., Torrejón, S., Urzi Brancati, C., & Fernández-Macías, E, The COVID-19 confinement measures and EU labour markets, Nru JRC120578, Ċentru Konġunt tar-Riċerka, 2020.

(4)  Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti, European SMEs and the Impact of COVID-19, Forum Ewropew għall-Kollaborazzjoni bejn il-Clusters, 2020.

(5)  SMEunited, Exit & Recovery Strategy – COVID-19 crisis: Proposals from SMEunited, Dokument ta’ Politka, 2020.

(6)  5. Pouliakas, K., & Branka, J, EU Jobs at Highest Risk of COVID-19 Social Distancing: Will the Pandemic Exacerbate Labour Market Divide? Dokument ta’ diskussjoni tal-IZA Nru 13281, (2020).

(7)  Dam, K. W, The law-growth nexus: The rule of law and economic development. Brookings Institution Press, 2007.

(8)  Bénassy-Quéré, A., Marimon, R., Pisani-Ferry, J., Reichlin, L., Schoenmaker, D., & di Mauro, B. W, 16 COVID-19: Europe needs a catastrophe relief plan. Europe in the Time of Covid-19, 2020, p. 103.

(9)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106.


11.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 10/79


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro”

(opinjoni addizzjonali)

(COM(2019) 652 final)

(2021/C 10/17)

Relatur ġenerali:

Judith VORBACH (1)

Deċiżjoni tal-Bureau

28.5.2020

Bażi legali

Artikolu 32(1) tar-Regoli ta' Proċedura u Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta' Implimentazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.9.2020

Adottata fil-plenarja

29.10.2020

Sessjoni plenarja Nru

555

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

148/9/21

Preambolu

Din l-Opinjoni hija parti minn pakkett ta' żewġ Opinjonijiet ta' segwitu, din il-waħda dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2019) 652 final) u waħda dwar l-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020 (COM(2019) 650 final). L-għan huwa li jiġu aġġornati u żviluppati l-proposti preċedenti tal-KESE (2) , b’kont meħud tal-iżviluppi reċenti, l-impatt tal-COVID-19 u l-irkupru minnha, kif ukoll id-diversi rapporti u rakkomandazzjonijiet ippubblikati fis-Semestru Ewropew attwali. Dan il-pakkett jipprovdi input komprensiv tas-soċjetà ċivili tal-UE rigward il-politika ekonomika, soċjali u ambjentali għaċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew, li huwa mistenni li jitnieda f’Novembru 2020. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jagħmlu użu minn dan l-input fil-Pakkett tas-Semestru tal-Ħarifa li ġej u fil-proċess deċiżjonali interistituzzjonali li se jirriżulta minnu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-ħasda eżoġena u simmetrika kkawżat mill-COVID-19 qed taffettwa ħafna l-ekonomija taż-żona tal-euro. It-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni Ewropea jsemmi li l-UE daħlet fl-agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha (3), filwaqt li t-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2020 (4) jipprevedi reċessjoni saħansitra iktar profonda b'diverġenzi kbar".

1.2.

L-ikkompletar tas-suq uniku u l-iżgurar li jirkupra malajr u li jkun kompletament funzjonali għandhom jibqgħu waħda mill-ogħla prijoritajiet. Dan jinkludi l-infurzar tal-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

1.3.

Il-previżjonijiet jindikaw li l-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi se jiżdiedu b'mod drammatiku, filwaqt li għadd sinifikanti ta' negozji se jfallu. Barra minn hekk, il-pandemija laqtet lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, iżda l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali jvarjaw. Minħabba l-biża’ ta’ reċessjoni profonda, iċ-ċittadini u l-investituri Ewropej aġixxew b’kawtela u qed jistennew tbassir aktar affidabbli. Il-KESE jwissi wkoll kontra riskji sistemiċi oħra akkumpanjati minn tnaqqis qawwi fl-ekonomija, bħall-instabbiltà tas-settur finanzjarju jew it-tendenzi deflazzjonarji.

1.4.

Il-KESE jitlob li jkun hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro u bejn iċ-ċittadini sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-ġid fi ħdan is-soċjetajiet. Il-pandemija hija mistennija jkollha impatti serji fuq is-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali fiż-żona tal-euro, b'żieda fil-qgħad, inugwaljanzi fl-introjtu, faqar u esklużjoni soċjali. Ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro hija mbassra li tiżdied għal 9,6 % fl-2020 u tinżel biss bi ftit għal 8,6 % fl-2021, għal darb'oħra b'differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u saħansitra bejn gruppi ta' ċittadini. Hija mistennija wkoll żieda qawwija fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, li tista’ tiġi indirizzata b’garanzija effettiva għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-ġid jimxu id f'id mal-inugwaljanzi fl-istennija tal-għomor u l-aċċess għal edukazzjoni u kura tas-saħħa ta' kwalità għolja. Il-politiki futuri tal-UE għandhom ukoll iqisu bir-reqqa l-impatt tal-kriżi fuq il-gruppi żvantaġġati u l-persuni b’diżabilità.

1.5.

Il-KESE jistenna li l-pandemija se tirristruttura l-ekonomija tagħna u li jitfasslu mudelli ġodda ta’ negozju. L-Ewropa hija diġà minn ta' quddiem nett fl-ekonomija ċirkolari, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-adozzjoni tad-diġitalizzazzjoni b'mod rapidu u effiċjenti għandha taċċellera t-tranżizzjoni lejn tkabbir ekoloġiku intelliġenti. L-UE għandha tuża dan il-momentum biex issaħħaħ il-vantaġġi kompetittivi tagħna u tiżgura li l-Ewropa tirsisti biex tkun minn ta' quddiem nett u tieħu rwol ewlieni f'oqsma ta' importanza kruċjali: is-settur diġitali, l-IA, it-teknoloġija, id-dekarbonizzazzjoni u t-tkabbir ċirkolari sostenibbli. Il-KESE jisħaq li l-mument biex tittieħed azzjoni huwa issa u mhux meta tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19.

1.6.

Il-KESE jilqa' bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Rkupru tal-UE, li għandu jkollu rwol ewlieni fl-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u jgħin lill-Istati Membri jiġġieldu l-pandemija u jiżguraw irkupru ekonomiku rapidu u sostenibbli. Il-pjani ta' rkupru għandhom ikunu marbuta mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs, filwaqt li jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u inklużiv.

1.7.

Il-Kumitat jemmen li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għandu jipprovdi l-mezzi meħtieġa biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u inklużiv u jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-UE. Għalhekk, il-KESE jinnota li l-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-kamp ta' applikazzjoni tal-QFP f'livell iktar baxx minn kif intalab mill-Parlament Ewropew u l-KESE. Barra minn hekk, ġew eliminati jew imnaqqsa b'mod drastiku s-somom stabbiliti fin-Next Generation EU biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fil-QFP. Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar it-tnaqqis fl-investimenti fl-innovazzjoni u r-riċerka, id-diġitalizzazzjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, kif ukoll l-abbandun tal-kriterji li jirrispettaw l-istat tad-dritt.

1.8.

Il-pandemija żiedet il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi, u huwa mistenni li l-livelli tad-dejn jikbru madwar iż-żona tal-euro kollha. Fl-istess ħin, saru impenji biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u tiġi mħaddna d-diġitalizzazzjoni u, sabiex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku u soċjali, huwa kruċjali li jsiru investimenti ta' kwalità għolja li jistimulaw il-valur miżjud u joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja. Il-KESE huwa tal-fehma li t-tisħiħ tad-domanda għall-indirizzar tal-kriżi klimatika, għall-promozzjoni ta' impjiegi b'pagi tajbin u għall-ġlieda kontra l-faqar mhux biss huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet fihom infushom, iżda wkoll biex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku.

1.9.

Il-KESE jemmen li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja kienet inizjattiva meħtieġa u jwissi kontra ritorn għar-regoli kif kienu qabel il-pandemija peress li dan jimponi awsterità fil-pajjiżi l-aktar milquta u jiddomina kwalunkwe benefiċċju li jirriżulta min-Next Generation EU. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li regoli fiskali modernizzati m'għandhomx jerġgħu jidħlu fis-seħħ sakemm il-qgħad jonqos b'mod sinifikanti. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ bidla lejn governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità u bbażata fuq is-solidarjetà billi tiġi implimentata, pereżempju, regola tad-deheb.

1.10.

L-inklużjoni rapida tal-flessibbiltà fl-użu tal-fondi tal-UE bl-Istati Membri jitħallew jagħmlu trasferimenti bejn il-fondi, ir-reġjuni u l-objettivi tal-politika hija approċċ meħtieġ u utli. Madankollu, il-KESE jwissi li l-Istati Membri għandhom bżonn itejbu b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' programmazzjoni tagħhom filwaqt li jiżguraw li l-fondi kollha użati jiġu assorbiti u jintużaw b'mod effiċjenti, speċjalment għal investimenti b'effetti pożittivi immedjati biex tingħeleb ir-reċessjoni u/jew l-investimenti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, inklużiva, diġitalizzata u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

1.11.

Reċentement, is-Semestru Ewropew tqiegħed fil-qalba tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Madankollu, il-KESE jinnota li l-korpi politiċi bħall-Parlament Ewropew u xi parlamenti nazzjonali ftit li xejn huma involuti fil-proċess jew mhuma involuti bl-ebda mod, u għalhekk m'hemmx biżżejjed sorveljanza demokratika. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkun imsaħħaħ iżjed ukoll.

1.12.

Il-KESE jistenna li l-banek taż-żona tal-euro jaġixxu bħala ammortizzaturi fil-kriżi billi jippermettu l-likwidità u l-kreditu meħtieġa għall-individwi. L-Unjoni Bankarja għandha titlesta immedjatament, inkluża l-implimentazzjoni tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. L-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tant ieħor għandu jkun fuq quddiem fl-aġenda. F'dak il-kuntest, il-KESE jisħaq li regolamentazzjoni effiċjenti tas-suq finanzjarju hija tassew importanti sabiex tinkiseb l-istabbiltà tas-settur finanzjarju.

1.13.

L-implimentazzjoni tal-politiki soċjali fil-livell tal-UE u permezz tas-Semestru Ewropew hija essenzjali sabiex jiġu kkoreġuti l-fallimenti tas-suq jew jiġu appoġġjati l-iżviluppi tas-suq fil-livell nazzjonali. Il-KESE jisħaq li l-indirizzar tal-iżbilanċi kbar fl-Istati Membri u bejniethom huwa prerekwiżit biex tinkiseb reżiljenza ekonomika u soċjali.

1.14.

Il-KESE jemmen li investiment sinifikanti u rapidu fir-riċerka u l-iżvilupp u l-ħiliet għandu jsir prijorità immedjata jekk l-UE beħsiebha tindirizza l-isfida ta' popolazzjoni li qed tonqos u tixjieħ u tħaddan id-diġitalizzazzjoni. Il-gvernijiet għandhom ikunu lesti li jinkoraġġixxu ideat innovattivi ġodda u li jiffinanzjaw l-esperimentazzjoni f'setturi b'potenzjal għoli ta' tkabbir.

1.15.

Sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali għandhom jiġu appoġġjati. Biex jinħolqu strutturi reżiljenti u bbażati fuq is-solidarjetà li jistabbilizzaw iż-żona tal-euro fi żminijiet ta' kriżi, għandha tiġi implimentata skema ta' riassigurazzjoni tal-qgħad tal-UE biex issaħħaħ is-sistemi nazzjonali billi tagħmel l-għotjiet tagħha soġġetti għall-kondizzjoni li l-iskemi nazzjonali jkunu ffinanzjati b'mod robust.

1.16.

Il-KESE jistaqsi kif l-Istati Membri taż-żona tal-euro se jirreaġixxu għal ħasda asimmetrika differenti fil-perjodu ta' wara s-sitwazzjoni attwali kieku Stat Membru wieħed jew tnejn biss jiġu affettwati minn kriżi oħra. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jeħtieġu aktar kooperazzjoni u strumenti mfassla apposta biex itejbu r-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom li jassorbu ħasdiet simmetriċi u asimmetriċi.

1.17.

L-evażjoni tat-taxxa, l-erożjoni tal-bażi, it-trasferiment tal-profitti, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadhom suġġetti sensittivi u politikament diffiċli għal ħafna Stati Membri. Il-KESE jappella għal skeda ta’ żmien deċiżiva u aċċellerata għar-riformi tal-politiki tat-taxxa li telimina l-lakuni u tiġġieled l-evażjoni madwar l-Unjoni, peress li issa dan huwa ta’ rilevanza akbar. Għandha titfassal aġenda moderna tal-UE dwar it-taxxa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tal-futur filwaqt li jittejjeb ukoll l-approċċ demokratiku tagħha. Fil-fatt, is-sena l-oħra l-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-tnedija tad-diskussjonijiet dwar il-bidla gradwali lejn il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja fi kwistjonijiet ta’ taxxa, filwaqt li jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jeħtiġilhom f’kull ħin ikollhom possibbiltajiet adegwati biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-KESE jitlob li jittieħdu azzjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni bl-aktar mod urġenti possibbli skont it-termini rakkomandati f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (5).

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1.

Fi Frar 2020, il-KESE adotta, b’maġġoranza kbira, l-Opinjoni tiegħu dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2020. Għalkemm iż-żona tal-euro kienet għadha qed tgawdi minn perjodu ta’ tkabbir, l-ekonomija kienet qed tiffaċċja nuqqas ta’ ritmu u żbilanċi esterni u interni inkwetanti. Minn dak iż-żmien, iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali nbidlu b’mod drammatiku kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja kollha, peress li l-pandemija tal-COVID-19 inxterdet malajr u affettwat lill-Istati Membri kollha. Din il-ħasda eżoġena u simmetriku estrema qed taffettwa l-ekonomija taż-żona tal-euro, u qed iżżid il-faqar u l-inugwaljanzi fl-introjtu. Skont it-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tar-Rebbiegħa 2020, fl-2020 l-UE waqgħet fir-reċessjoni ekonomika l-aktar profonda fl-istorja tagħha. It-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2020 itenni l-prospett xejn sabiħ billi jbassar reċessjoni saħansitra iktar profonda b'diverġenzi kbar”.

2.2.

Fl-Ewropa jeżisti l-akbar suq uniku tad-dinja, u t-tieni l-aktar munita użata. Madankollu, il-munita unika tista’ tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha biss ladarba l-Istati Membri kollha jkunu introduċewha u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tkun kompluta. Għalkemm hemm interess dejjem akbar fil-Kummissjoni li jissaħħaħ ir-rwol tal-euro fid-dinja, dan jista' jinkiseb biss jekk ir-reċessjoni tiġi mitigata kemm jista' jkun u jiġi żgurat tkabbir sostenibbli dinamiku u inklużiv immedjatament wara. Għalhekk, huwa meħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiġu appoġġjati permezz ta' strateġija koerenti u mmirata komuni tal-UE. Il-President tal-Grupp tal-Euro rrikonoxxa fid-diskors tiegħu fil-11 ta’ Ġunju li l-koordinazzjoni, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, hija kruċjali biex jiġi żgurat li jiġu evitati d-diverġenzi u l-akkumulazzjoni tal-iżbilanċi tagħna. Il-protezzjoni tal-munita unika hija kruċjali għall-protezzjoni tas-suq uniku. Fil-fatt, dawn huma interkonnessi” (6).

2.3.

Is-suq uniku huwa wieħed mill-kisbiet l-aktar notevoli tal-proġett tal-UE. Ippermetta li jkun hemm kummerċ ħieles u bla xkiel bejn l-Istati Membri, u kkontribwixxa għall-ġid ekonomiku, il-prosperità u xi wħud mill-ogħla livelli ta’ għajxien fid-dinja. It-tlestija tas-suq uniku u l-iżgurar li jirkupra malajr u li jkun kompletament funzjonali jenħtieġ li jibqgħu prijoritajiet ewlenin, filwaqt li jitqiesu n-negozjati dwar il-Brexit u l-impatt possibbli tiegħu. Dan jinkludi Aġenda Soċjali b’miżuri ta’ konverġenza soċjali ’l fuq biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u aħjar u distribuzzjoni aktar ugwali tad-dħul u l-ġid. L-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħall-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post tax-xogħol”, għandhom jiġu infurzati kif xieraq sabiex jiġu implimentati miżuri ta’ konverġenza soċjali u jinkisbu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. L-effetti negattivi tal-pandemija fuq il-progress tal-pjan tal-SDG għandhom jitkejlu wkoll, u l-UE għandha tagħmel ħilitha biex iżżomm mas-sett oriġinali ta' skadenzi.

2.4.

Fit-Tbassir tar-Rebbiegħa, il-Kummissjoni enfasizzat li “il-pandemija tal-coronavirus laqtet b'mod serju l-infiq tal-konsumaturi, l-output industrijali, l-investiment, il-kummerċ, il-flussi tal-kapital u l-katini tal-provvista” filwaqt li s-suq tax-xogħol huwa mistenni li jintlaqat b’mod gravi. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li hemm “ir-riskju li l-pandemija twassal għal bidliet aktar drastiċi u permanenti fl-attitudnijiet lejn il-katini ta' valur mondjali u l-kooperazzjoni internazzjonali”. Hemm aktar riskji 'l isfel, bħall-gravità tal-pandemija, falliment, kriżi fis-settur finanzjarju, kwistjonijiet ta' likwidità u negozjati diffiċli. Is-suq tax-xogħol jista’ jġarrab konsegwenzi fit-tul. It-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf ibassar li l-ekonomija taż-żona tal-euro se tiċkien bi 8,75 % fl-2020 filwaqt li l-ekonomija ġenerali tal-UE mistennija tiċkien bi 8,3 %.

2.5.

Wara l-ħasda simmetrika u eżoġena mingħajr preċedent tal-pandemija tal-COVID-19, il-previżjonijiet jindikaw li l-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi se jiżdiedu b'mod drammatiku, b'għadd sinifikanti ta' negozji jfallu. Il-pandemija laqtet lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, iżda l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali jvarjaw. F’xi pajjiżi tal-UE, dan l-impatt se jżid mal-problemi soċjali preeżistenti. Il-previżjonijiet tal-PDG tal-2020 ivarjaw minn tnaqqis ta’ 4,6 % fil-Polonja sa tnaqqis ta’ 11,2 % fl-Italja, u l-intensità tat-tnaqqis fl-2021 hija mistennija li tvarja ħafna bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Id-diverġenzi f’termini ta’ aċċess u spejjeż ta’ self bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni Ewropea ta’ politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw il-kriżi. Id-differenzi fl-abbiltà li jiġi ffinanzjat l-investiment meħtieġ biex jerġgħu jirpiljaw l-ekonomiji jistgħu wkoll jgħawġu l-kundizzjonijiet ekwi fiż-żona tal-euro. Barra minn hekk, l-inugwaljanza għolja persistenti bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tista’ twassal għal migrazzjoni minn pajjiżi ifqar għal pajjiżi aktar sinjuri, u b’hekk tikkawża eżodu tal-imħuħ inkwetanti u problemi soċjali oħrajn.

3.   Konsegwenzi tal-COVID-19

3.1.

Anke llum, issa li l-pandemija ilha diversi xhur, is-sitwazzjoni hija instabbli, bi previżjonijiet li jinbidlu minn xahar għal xahar u r-riskji dejjem jiżdiedu. Għalissa, ħadd ma jista' jipprevedi jekk hux se jkollna niffaċċjaw reċessjoni b'mewġa doppja b'forma ta' “W” segwita minn irkupru jew saħansitra tnaqqis reċessiv kontinwu aktar komplikat u li jdum fit-tul, segwit minn irkupru aktar tard u aktar bil-mod. Minħabba l-biża’ ta’ reċessjoni profonda, iċ-ċittadini u l-investituri Ewropej aġixxew b’kawtela u qed jistennew tbassir aktar affidabbli. Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li l-aspettattivi għandhom fid-domanda makroekonomika. Il-Bord Fiskali Ewropew (EFB) diġà ddikjara li se jkun hemm bżonn ukoll ta' appoġġ fiskali akbar u aktar fit-tul fl-2021, peress li t-tnaqqis tal-miżuri tal-konfinament se jieħu aktar fit-tul milli kien mistenni fil-bidu u l-konsumaturi x'aktarx jakkumulaw tfaddil ta' prekawzjoni. Meta l-unitajiet domestiċi u d-ditti privati, kemm domestiċi kif ukoll barranin, inaqqsu l-infiq, l-infiq tal-gvern, flimkien mal-akkomodazzjoni monetarja, huwa l-uniku mod biex tiġi sostnuta d-domanda (7). Il-KESE jappoġġja b'mod espliċitu din il-fehma u jwissi dwar riskji sistemiċi oħrajn akkumpanjati minn tnaqqis ekonomiku qawwi, bħall-instabbiltà tas-suq finanzjarju jew it-tendenzi deflazzjonarji.

3.2.

Il-pandemija żiedet il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi, u l-livelli tad-dejn huma mistennija li jikbru madwar iż-żona tal-euro kollha, iżda għal darb'oħra b'mod differenti ħafna bejn l-Istati Membri. Xi pajjiżi daħlu fil-pandemija b’livelli għolja ta’ dejn. Fl-istess ħin, saru impenji biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u tiġi mħaddna d-diġitalizzazzjoni, u l-investimenti ta' kwalità għolja li jistimulaw il-valur miżjud u joħolqu impjiegi ta' kwalità għolja se jkollhom rwol ewlieni fl-irkupru ekonomiku u soċjali. L-UE għandha tagħmel ħilitha biex tisfrutta l-effetti sinerġiċi pożittivi bejn l-investimenti pubbliċi u privati u tikkoordina l-implimentazzjoni futura tal-programmi strutturali.

3.3.

Wara l-kriżi tas-saħħa, ġie nnutat tnaqqis sinifikanti fil-provvista u d-domanda madwar l-UE. Inizjalment, il-pandemija nħasset bħala ħasda fil-provvista, iżda l-effetti sekondarji issa ġġeneraw ħasda massiva fid-domanda aggregata. L-impatt globali se jiddependi fuq liema wieħed minn dawn iż-żewġ ħasdiet se tiddomina (8). L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ntlaqtu l-agħar matul il-pandemija u ħafna minnhom se jfallu mingħajr pjani ta’ salvataġġ speċifiċi u realistiċi għall-SMEs. L-UE diġà aġixxiet fil-livell ċentrali, iżda hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jimplimentaw b’mod urġenti u jagħtu direzzjoni ġdida lill-fondi disponibbli b’mod koordinat fejn huma l-aktar meħtieġa. Il-Kummissjoni Ewropea għandha għalhekk timmonitorja bir-reqqa l-assorbiment ikkorrelat tal-fondi disponibbli.

3.4.

Il-lockdown infurzat mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħareġ fid-dieher il-vulnerabbiltajiet tal-ktajjen ta’ provvista twal u l-effetti negattivi meta setturi kritiċi jkunu jiddependu minn fornituri esterni. Għalhekk, jenħtieġ pjan strateġiku mfassal ċar u bir-reqqa fil-livell tal-UE, b’investiment pubbliku li jinċentiva l-investiment privat. Is-settur privat jista’, sa ċertu punt, jiddetermina l-livell ta’ dipendenza tiegħu mill-għażla tal-post ta’ konsenja tal-materja prima, ir-riżorsi umani, il-loġistika, eċċ. L-Istrateġija Industrijali Ġdida għandha tgħin biex titnaqqas din id-dipendenza. Barra minn hekk, għandha sseħħ diskussjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fir-rigward tal-produzzjoni nazzjonali f’ċerti setturi ewlenin, b’mod partikolari s-saħħa.

3.5.

Il-KESE kien diġà qal li huwa neċessarju li jerġgħu jinbnew il-ktajjen tal-valur industrijali integrati fl-UE sabiex tingħata spinta lill-awtonomija strateġika u r-reżiljenza ekonomika tal-Ewropa (9). Fit-13 ta’ Ġunju, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddikjara li l-isforz biex jinbnew ktajjen ta’ provvista aktar reżiljenti jista’ jkun il-katalist li għandna bżonn biex nikkompletaw definittivament is-suq uniku (10). Dan jgħin ukoll biex jiġu ssalvagwardjati impjiegi deċenti u effiċjenti, jiġu assistiti kumpaniji biex jinħoloq valur miżjud, tittejjeb il-kompetittività, titnaqqas id-dipendenza, jiġu indirizzati xejriet demografiċi sfavorevoli u tinkiseb konverġenza 'l fuq.

3.6.

Il-pandemija se jkollha wkoll impatti serji fuq is-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali fi ħdan iż-żona tal-euro. Il-kriżi tal-COVID-19 hija mistennija żżid b'mod sinifikanti l-qgħad, l-inugwaljanzi fl-introjtu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Skont it-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020, ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro hija mbassra li tiżdied għal 9,6 % fl-2020 u tinżel biss bi ftit għal 8,6 % fl-2021, għal darb'oħra b'differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u saħansitra bejn gruppi ta' ċittadini. Xi setturi, bħat-turiżmu, il-gastronomija, l-avjazzjoni u l-kultura, jistgħu jiġu affettwati fit-tul. Minkejja l-miżuri massivi ta’ stabilizzazzjoni implimentati, x’aktarx ħafna nies se jibqgħu jirċievu dħul prekarju. Dawk li kienu diġà vulnerabbli qabel il-kriżi x’aktarx li jkunu l-aktar li jintlaqtu. Ħafna mill-impjiegi li rriżultaw li huma ta’ importanza kruċjali matul il-kriżi fil-biċċa l-kbira tagħhom jitħallsu ftit u huma sottovalutati mis-suq tax-xogħol. L-impatt tal-kriżi fuq il-gruppi żvantaġġati u l-persuni b’diżabilità għandu jitqies bir-reqqa fil-politiki tal-UE li ġejjin. Barra minn hekk, hija mistennija żieda qawwija fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, li tenfasizza l-ħtieġa għal garanzija taż-żgħażagħ effettiva u msaħħa u programmi ta’ appoġġ għall-impjiegi.

3.7.

Il-KESE jistenna li l-pandemija se tirristruttura l-ekonomija tagħna u li jitfasslu mudelli ġodda ta’ negozju. Analiżi settur b’settur turi li d-differenzi diġà huma notevoli sa ċertu punt. Jekk kull kriżi hija opportunità, mela rridu nużaw din il-kriżi biex insaħħu l-vantaġġi kompetittivi tagħna u niżguraw li l-Ewropa tkun minn ta' quddiem nett u tieħu rwol ta' tmexxija f'oqsma ta' importanza essenzjali: is-settur diġitali, l-IA, it-teknoloġija, id-dekarbonizzazzjoni, it-tkabbir sostenibbli u ċirkolari u ekonomija inklużiva. Dan jeħtieġ enfasi qawwija fuq l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet. Qafas ta' politika stabbli, prevedibbli u kompetittiv huwa parti importanti minn ambjent favorevoli għall-investiment privat. Fuq kollox, l-UE għandha tipprovdi lill-kumpaniji l-kundizzjonijiet it-tajba biex jimmaniġġjaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi b'mod li jiġġeneraw negozji u impjiegi ġodda u b'hekk iwasslu għal diversi benefiċċji simultanjament.

3.8.

L-għadd ta’ mwiet u r-riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi li qed jiżdiedu minħabba l-pandemija jikkostitwixxu sfida kbira għall-proġett Ewropew. Issa, aktar minn qatt qabel, iż-żona tal-euro hija mitluba turi solidarjetà u toħroġ aktar b'saħħitha. Il-KESE jappella għal passi deċiżivi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-ġid fis-soċjetajiet fil-livell nazzjonali, peress li dawn jimxu id f’id ma’ inugwaljanzi fl-istennija tal-għomor u l-aċċess għal edukazzjoni u kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja.

3.9.

Politika Ewropea dwar is-saħħa kkoordinata tajjeb tkun element importanti biex tingħeleb il-pandemija, u tippermetti l-kooperazzjoni u l-appoġġ bejn l-Istati Membri. Id-distribuzzjoni ugwali ta’ prodotti mediċi li huma meqjusa ta’ għajnuna u xierqa għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-COVID-19 għandha tkun prijorità ta’ politika Ewropea tas-saħħa u prova ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Sakemm il-pandemija ma tkunx megħluba, mhux se jkun hemm irkupru ekonomiku b’saħħtu u sostenibbli.

4.   Irkupru ekonomiku u soċjali

4.1.

Il-KESE jenfasizza li ż-żmien biex tittieħed azzjoni huwa issa u mhux meta tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19. L-azzjoni politika u l-proċessi ta' riforma jridu jkomplu fi żminijiet ta' inċertezza enormi. Dan ifisser li minnufih għandhom jitkomplew id-dibattiti li suppost ilhom li saru, pereżempju r-rieżami tal-governanza ekonomika, ir-riformulazzjoni tas-Semestru Ewropew kif ukoll il-bidu tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u l-implimentazzjoni ta' politiki importanti bħall-inkorporazzjoni tal-SDGs fil-qafas regolatorju. Il-kriżi tal-COVID-19 tista' titqies ukoll bħala mument ta' opportunità, jekk l-UE tkun kuraġġuża biżżejjed biex taħtaf din l-okkażjoni.

4.2.

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Rkupru tal-UE. Għalkemm l-ammonti involuti huma modesti f'termini makroekonomiċi, dan huwa pass importanti ħafna peress li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-BĊE ta' “tkun xi tkun il-ħtieġa”, li issa hija rrappreżentata mill-UE kollha. In-Next Generation EU, implimentat bħala parti mill-QFP, għandu jkollu rwol ewlieni fl-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u biex jgħin lill-Istati Membri jiġġieldu l-pandemija u jiżguraw irkupru ekonomiku rapidu u sostenibbli. Madankollu, għad hemm xi nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati. Għandu jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju ta' kundizzjonalità negattiva fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u fis-Semestru Ewropew, li fil-fatt isiru aktar vinkolanti permezz tar-rwol tagħhom fi ħdan il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-pjani ta’ rkupru għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv b’fokus imsaħħaħ fuq il-miri tal-SDGs u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Għandha titqies ukoll is-sitwazzjoni soċjoekonomika ta’ kull Stat Membru.

4.3.

Il-KESE japprezza r-rispons immedjat tal-UE u tal-Istati Membri għall-pandemija tal-COVID-19. Il-Kumitat jemmen li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għandu jipprovdi lill-UE l-mezzi meħtieġa biex tiżgura tkabbir sostenibbli u inklużiv, taħdem mingħajr xkiel u tilħaq l-għanijiet strateġiċi tagħha. Dan jimplika finanzjament suffiċjenti għar-R&Ż, it-teknoloġiji diġitali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-QFP għandu jistabbilixxi wkoll l-prijoritajiet it-tajbin biex tissaħħaħ il-koeżjoni bejn l-Istati Membri u l-UE b'mod ġenerali. Għalhekk, il-KESE jinnota li, fis-Summit tal-Kunsill, il-kamp ta' applikazzjoni tal-QFP ġie stabbilit għal 1,05 % tal-ING tal-UE-27, li ma jilħaqx la l-1,3 % tal-ING mitlub mill-Parlament Ewropew u l-KESE, u lanqas il-1,1 % tal-ING tal-UE-27 propost f'Mejju 2018. Barra minn hekk, is-somom stabbiliti fin-Next Generation EU biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fil-QFP, pereżempju fir-rigward tal-politiki ta' koeżjoni, ġew finalment eliminati jew imnaqqsa sew. Il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar it-tnaqqis fl-investimenti fl-innovazzjoni u r-riċerka, id-diġitalizzazzjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, kif ukoll l-abbandun tal-kriterji li jirrispettaw l-istat tad-dritt. Fl-aħħar nett, il-KESE jitlob li jittieħdu passi rapidi u deċiżivi biex jiġu implimentati riżorsi proprji addizzjonali.

4.4.

Il-KESE jirrakkomanda li jinżamm bilanċ prudenti bejn il-miżuri min-naħa tal-provvista u dawk min-naħa tad-domanda. Fir-rigward tan-naħa tad-domanda, wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-ixprunar tal-investiment fiż-żona tal-euro għall-indirizzar tal-kriżi klimatika, għall-ġlieda kontra l-qgħad, għall-promozzjoni ta' impjiegi mħallsin tajjeb u għall-ġlieda kontra l-faqar mhumiex biss għanijiet fihom infushom, iżda għandhom ukoll effetti pożittivi fuq id-domanda aggregata u għalhekk jistgħu jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku.

4.5.

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) għandu l-għodod meħtieġa biex jindirizza ħasda bħal dik tal-COVID-19. Fid-9 ta’ April 2020, il-Grupp tal-euro ddeċieda li jadotta pakkett komprensiv ta’ EUR 540 biljun, inkluż strument ta’ self ta’ EUR 240 biljun (Appoġġ fil-Kriżi Pandemika – PCS) imsejjes fuq il-Linja ta’ Kreditu b’Kundizzjonijiet Imsaħħa tal-MES li għandha tkun disponibbli għall-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Fil-15 ta’ Mejju 2020, il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES qabel li jqiegħed il-PCS disponibbli għall-Istati Membri taż-żona tal-euro. Il-Bord tal-Gvernaturi se jiddeċiedi jekk jagħtix l-appoġġ mitlub minn kull pajjiż jew le, abbażi tal-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-BĊE u b’kollaborazzjoni mal-MES (11).

4.6.

Il-KESE jemmen ukoll li l-attivazzjoni rapida tal-klawżola liberatorja tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir kienet inizjattiva meħtieġa. Madankollu, il-KESE jinnota r-rakkomandazzjonijiet tal-EFB li l-kjarifiki dwar iż-żmien u l-kundizzjonijiet għal ħruġ jew rieżami għandhom jiġu offruti fir-rebbiegħa tal-2021. F'dan il-kuntest, il-KESE jwissi kontra kwalunkwe ritorn prematur għar-regoli hekk kif kienu qabel il-pandemija, peress li dan jimponi awsterità fil-pajjiżi l-aktar milquta u jiddomina kwalunkwe benefiċċju li ser jirriżulta min-Next Generation EU. Barra minn hekk, kwalunkwe regoli fiskali ġodda m'għandhomx jerġgħu jidħlu fis-seħħ qabel ma l-qgħad jonqos b'mod sinifikanti.

4.7.

Il-KESE jħeġġeġ bidla lejn governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità u bbażata fuq s-solidarjetà. Il-KESE jaqbel mat-talbiet tal-EFB li t-tendenza li jitnaqqas l-investiment tal-gvern meta l-finanzi pubbliċi jiġu taħt pressjoni għandha tiġi indirizzata, u jilqa' bi pjaċir ir-rieda tiegħu li jimplimenta regola tad-deheb u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jingħelbu n-nuqqasijiet fir-regoli fiskali tal-passat biex jitħares l-investiment tal-gvern, inkluża l-implimentazzjoni tal-kapaċità fiskali ċentrali (12). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bir-rieżami li qed twettaq sabiex tħaffef il-modernizzazzjoni tal-qafas ta' governanza ekonomika. Pereżempju, minkejja politika monetarja espansjonarja ħafna, għadna qed niffaċċjaw it-theddida ta' deflazzjoni.

4.8.

L-UE ppruvat b’mod attiv timmobilizza l-fondi kollha disponibbli biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu immedjatament għall-pandemija. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni rapida tal-flessibbiltà fl-użu tal-fondi tal-UE billi l-Istati Membri jitħallew jagħmlu trasferimenti bejn il-fondi, ir-reġjuni u l-objettivi ta’ politika. Fl-istess ħin, il-KESE jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ li jtejbu b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' programmazzjoni tagħhom filwaqt li jiżguraw li l-fondi kollha skjerati jiġu assorbiti u jintużaw b'mod effiċjenti. Il-fondi jridu jintużaw għal investimenti b'effetti pożittivi immedjati biex tingħeleb ir-reċessjoni u/jew għal investimenti fit-tranżizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE lejn ekonomija sostenibbli, inklużiva, diġitalizzata, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi ħarsa ġenerali strutturata lejn ir-riżorsi u l-fondi kollha li huma disponibbli.

4.9.

Is-Semestru Ewropew huwa għodda ewlenija ta' ppjanar, monitoraġġ u governanza għall-Unjoni u dan l-aħħar tqiegħed fil-qalba tal-Faċilità ġħall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-KESE jirrikonoxxi r-riforma mħabbra tal-proċess tas-Semestru Ewropew u r-rwol ġdid propost tiegħu li jikkoordina l-miżuri ta’ rkupru, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (13), tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (14) u tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (15). Madankollu, il-KESE jinnota li l-korpi politiċi bħall-Parlament Ewropew u xi parlamenti nazzjonali ftit li xejn huma involuti fil-proċess jew mhuma involuti bl-ebda mod, u għalhekk m'hemmx biżżejjed sorveljanza demokratika. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jkun imsaħħaħ iżjed ukoll.

4.10.

Il-Kumitat jemmen li jkun utli immens jekk il-baġit tal-UE jkun aktar flessibbli fl-indirizzar ta’ ħasdiet negattivi, speċjalment dawk li mhumiex ta’ oriġini ekonomika. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE ssegwi politiki li jtejbu immedjatament il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fi żminijiet ta’ kriżi. Protokolli aħjar u kollaborazzjoni mtejba għandhom jippermettu rispons Ewropew f’waqtu u kkoordinat għal kull tip ta’ katastrofi.

4.11.

Min-naħa l-oħra, il-banek kienu ppreparati aħjar għal din il-kriżi milli kienu għall-kriżi finanzjarja tal-2008. Il-KESE jistenna li l-banek taż-żona tal-euro jaġixxu bħala ammortizzaturi fil-kriżi billi jippermettu l-likwidità u l-kreditu meħtieġa għall-individwi u n-negozji. L-Unjoni Bankarja għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun, inkluża l-implimentazzjoni tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Barra minn hekk, l-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tant ieħor għandu jkun fuq quddiem fl-aġenda tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li regolamentazzjoni effiċjenti tas-suq finanzjarju hija importanti sabiex tinkiseb l-istabbiltà tas-settur finanzjarju.

4.12.

Il-KESE jirrimarka li l-ġlieda kontra l-iżbilanċi interni u esterni u l-inugwaljanza tfisser, minn naħa, l-implimentazzjoni ta’ politiki soċjali fil-livell tal-UE u permezz tas-Semestru Ewropew sabiex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet tas-suq jew jiġu appoġġjati l-iżviluppi tas-suq fil-livell nazzjonali. Min-naħa l-oħra, kwalunkwe azzjoni ta’ politika ekonomika tal-UE – minn regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju sa miżuri għall-ġlieda kontra l-kriżi klimatika u tal-COVID-19 – għandha tqis l-effetti distributtivi tagħha. Barra minn hekk, il-benesseri tal-unitajiet domestiċi għandha tendenza li tiddependi aktar u aktar fuq fatturi Ewropej, pereżempju politiki baġitarji unilaterali, dimensjoni soċjali dgħajfa u dewmien fl-approfondiment tal-UEM. Il-KESE jenfasizza li l-indirizzar tal-iżbilanċi kbar fl-Istati Membri u bejniethom huwa prerekwiżit biex tinkiseb reżiljenza ekonomika u soċjali.

5.   It-triq ’il quddiem

5.1.

Il-KESE jemmen li investiment sinifikanti u rapidu pubbliku u privat fir-R&Ż u l-ħiliet għandu jsir prijorità jekk l-UE beħsiebha tindirizza l-isfida ta' popolazzjoni li qed tonqos u tixjieħ u tħaddan id-diġitalizzazzjoni. Il-KESE diġà qal li “il-ħaddiema Ewropej għandhom jiġu pprovduti b’taħriġ, taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja, sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-bidla teknoloġika” (16). Il-gvernijiet għandhom ikunu lesti li jinkoraġġixxu ideat innovattivi ġodda u li jiffinanzjaw l-esperimentazzjoni f'setturi b'potenzjal għoli ta' tkabbir.

5.2.

Sabiex tiġi evitata tbatija kbira, jeħtieġ li s-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali jiġu appoġġjati.. Sabiex jinħolqu strutturi reżiljenti u bbażati fuq is-solidarjetà li jistabbilizzaw iż-żona tal-euro fi żminijiet ta’ kriżi u tiġi kkonsolidata l-protezzjoni soċjali fl-Istati Membri, għandha tiġi implimentata skema Ewropea ta’ riassigurazzjoni tal-qgħad. Bħal fil-każ ta’ sistemi oħrajn tal-qgħad, din tkun taġixxi bħala stabilizzatur awtomatiku u fl-istess ħin tappoġġja s-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-qgħad f’każ ta’ reċessjonijiet kbar. Barra minn hekk, tkun issaħħaħ is-sistemi nazzjonali billi l-għotjiet tagħha jsiru bil-kondizzjoni li l-iskemi nazzjonali jiġu ffinanzjati b’mod sod u abbażi tas-solidarjetà. L-istrument SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza) huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda għandu jsir aktar.

5.3.

L-istimi tal-Kummissjoni Ewropea li saru fl-aħħar ta’ Mejju 2020 juru li sabiex issir it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, jeħtieġ li l-UE tinvesti mill-inqas EUR 595 biljun fis-sena (17). Il-KESE jemmen li l-irkupru ekonomiku jrid ikun allinjat bis-sħiħ mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-SDGs. L-Ewropa diġà tinsab minn ta’ quddiem fl-ekonomija ċirkolari, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE huwa tal-fehma li meta d-diġitalizzazzjoni tiġi adottata b’ħeffa u b’effiċjenza dan għandu jaċċellera l-bidla lejn tkabbir ekoloġiku intelliġenti.

5.4.

Il-KESE kemm-il darba wissa li “aktar ma nkomplu bil-politika attwali mmirata lejn l-iffrankar mingħajr pjan ta' investiment effettiv, aktar se tkun mhedda l-prosperità tal-Ewropa” u li “hemm nuqqas ċar ta' viżjoni strateġika għall-futur u ta' kapaċità sabiex ikun hemm rispons adegwat għal kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji oħrajn”. Barra minn hekk, fil-bidu tal-2018, il-Kumitat enfasizza “l-ħtieġa li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji ġodda għall-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-ġlieda kontra miżuri proċikliċi” (18). Il-KESE jappella għal darb’ oħra biex jiġu identifikati miżuri biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi li għandhom jippermettu aktar flessibbiltà fit-trattament ta’ xokkijiet esterni.

5.5.

Il-KESE jistaqsi kif l-Istati Membri taż-żona tal-euro se jirreaġixxu għal ħasda asimmetrika differenti fil-perjodu ta' wara s-sitwazzjoni attwali u l-irkupru diffiċli mistenni, meta titqies l-inċertezza li ż-żona tal-euro għadha qed tiffaċċja. Ir-reazzjoni tal-UE se tkun immedjata u fil-pront jekk Stat Membru wieħed jew tnejn biss taż-żona tal-euro jintlaqtu minn kriżi oħra? Filwaqt li din hija ħaġa ferm mhux mixtieqa, il-KESE jemmen li tali ħasda asimmetrika tkun test deċiżiv għas-solidarjetà tal-Unjoni u għall-proġett kollu kemm hu. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jeħtieġu aktar kooperazzjoni u strumenti mfassla apposta biex itejbu r-reżiljenza u l-kapaċità tagħhom li jassorbu ħasdiet simmetriċi u asimmetriċi. Minbarra t-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika, għandha tiġi żviluppata wkoll ir-reżiljenza tax-xogħol u dik soċjali. Wieħed mill-fatturi ewlenin biex jintlaħaq dan l-għan huwa involviment akbar mill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi kollha, fil-livell nazzjonali u tal-UE (19).

5.6.

Hekk kif id-defiċits u l-livelli tad-dejn jikbru madwar l-Unjoni kollha, jeħtieġ li nerġgħu nikkunsidraw l-approċċ tagħna lejn it-taxxi u l-komponenti l-oħra kollha li jaffettwaw it-taxxa. L-evażjoni tat-taxxa, ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-erożjoni tal-bażi, it-trasferiment tal-profitt, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienu suġġetti politikament diffiċli għal ħafna Stati Membri iżda ma naffordjawx aktar nippretendu li ma nafux bihom. Il-KESE jappella għal riforma deċiżiva tal-politiki tat-taxxa li telimina l-lakuni u tiġġieled l-evażjoni madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal politika fiskali kkoordinata tajjeb sabiex tittejjeb il-pożizzjoni monetarja, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u r-reżiljenza kontra x-xokkijiet fiż-żona tal-euro. Il-KESE jtenni wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jaċċelleraw l-iskedi ta’ żmien biex jindirizzaw l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa peress li issa huma aktar rilevanti. Għandha titfassal aġenda moderna tal-UE dwar it-taxxa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tal-futur filwaqt li jittejjeb ukoll l-approċċ demokratiku tagħha. Fil-fatt, is-sena l-oħra l-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-tnedija tad-diskussjonijiet dwar il-bidla gradwali lejn il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja fi kwistjonijiet ta’ taxxa, filwaqt li jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jeħtiġilhom f’kull ħin ikollhom possibbiltajiet adegwati biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-KESE jitlob li jittieħdu azzjonijiet dwar il-proposti rilevanti tal-Kummissjoni bl-aktar mod urġenti possibbli skont it-termini rakkomandati f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (20).

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Din l-Opinjoni tħejjiet matul il-mandat tal-KESE 2015-2020 minn Mihai Ivașcu bħala relatur u Judith Vorbach bħala korelatur. L-Opinjoni ġiet ippreżentata fl-ewwel sessjoni plenarja tal-mandat tal-KESE 2020-2025 f’Ottubru 2020 minn Judith Vorbach bħala relatur ġenerali.

(2)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “Strateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020” (ĠU C 120, 14.4.2020, p. 1) u dwar “Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2020)” (ĠU C 120, 14.4.2020, p. 7).

(3)  Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2020: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_799

(4)  Tbassir Ekonomiku tas-Saj 2020: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_1269

(5)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90) u dwar “It-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE” (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 29).

(6)  Kummenti minn Mário Centeno b'segwitu għall-vidjokonferenza tal-Grupp tal-Euro tal-11 ta’ Ġunju 2020 https://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2020/06/11/remarks-by-mario-centeno-following-the-eurogroup-videoconference-of-11-june-2020/

(7)  Assessment of the fiscal stance appropriate for the euro area in 2021 [Valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali adatta għaż-żona tal-euro fl-2021]: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2020_06_25_efb_assessment_of_euro_area_fiscal_stance_en.pdf

(8)  The European Central Bank in the COVID-19 crisis: whatever it takes, within its mandate [Il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kriżi tal-COVID-19: jagħmel dak kollu li jippermetti l-mandat tiegħu]

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija Industrijali” (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108).

(10)  The path out of uncertainty [It-triq lil hinn mill-inċertezza]

(11)  https://www.esm.europa.eu/content/europe-response-corona-crisis

(12)  Assessment of the fiscal stance appropriate for the euro area in 2021 [Valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali adatta għaż-żona tal-euro fl-2021]: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/2020_06_25_efb_assessment_of_euro_area_fiscal_stance_en.pdf

(13)  Patt Ekoloġiku Ewropew.

(14)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).

(15)  L-Għanjiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(16)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 57.

(17)  SWD(2020) 98 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(18)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 28.

(19)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 23).

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti.

Punt 1.17

Ibdel kif ġej:

1.17

L-evażjoni tat-taxxa, l-erożjoni tal-bażi, it-trasferiment tal-profitti, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għadhom suġġetti sensittivi u politikament diffiċli għal ħafna Stati Membri. Il-KESE jappella għal riforma deċiżiva tal-politiki tat-taxxa li telimina l-lakuni u tiġġieled l-evażjoni madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, il-KESE, jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata u jqis li huwa importanti li tiġi implimentata gradwalment imma b'mod immedjat.

Raġuni

Votazzjoni b’Maġġoranza Kwalifikata (VMK) fi kwistjonijiet tat-taxxa hija suġġett sensittiv ħafna b’implikazzjonijiet profondi għas-sovranità tal-pajjiżi fl-affarijiet ekonomiċi. Kien hemm raġunijiet fondati sew li jippermettu li t-tassazzjoni tkun kompetenza nazzjonali fit-Trattat tal-UE. L-importanza ta’ dawn ir-raġunijiet ma naqsitx. Bidla fis-sovranità tista’ wkoll tkun ostaklu għall-kisba ta’ reżiljenza ekonomika u soċjali. Minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet, hawnhekk m’għandhiex titqajjem pożizzjoni ġdida tal-KESE dwar il-VMK f’xi sentenzi.

Punt 5.6

Ibdel it-test kif ġej:

5.6

Hekk kif id-defiċits u l-livelli tad-dejn jikbru madwar l-Unjoni kollha, jeħtieġ li nerġgħu nikkunsidraw l-approċċ tagħna lejn it-taxxi u l-komponenti l-oħra kollha li jaffettwaw it-taxxa. L-evażjoni tat-taxxa, ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-erożjoni tal-bażi, it-trasferiment tal-profitt, il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienu suġġetti politikament diffiċli għal ħafna Stati Membri iżda ma naffordjawx aktar nippretendu li ma nafux bihom. Il-KESE jappella għal riforma deċiżiva tal-politiki tat-taxxa li telimina l-lakuni u tiġġieled l-evażjoni madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, il-KESE jappella għal politika fiskali kkoordinata tajjeb sabiex tittejjeb il-pożizzjoni monetarja, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u r-reżiljenza kontra x-xokkijiet fiż-żona tal-euro. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata u jqis li huwa importanti li tiġi implimentata gradwalment imma b'mod immedjat.

Raġuni

Votazzjoni b’Maġġoranza Kwalifikata (VMK) fi kwistjonijiet tat-taxxa hija suġġett sensittiv ħafna b’implikazzjonijiet profondi għas-sovranità tal-pajjiżi fl-affarijiet ekonomiċi. Kien hemm raġunijiet fondati sew li jippermettu li t-tassazzjoni tkun kompetenza nazzjonali fit-Trattat tal-UE. L-importanza ta’ dawn ir-raġunijiet ma naqsitx. Bidla fis-sovranità tista’ wkoll tkun ostaklu għall-kisba ta’ reżiljenza ekonomika u soċjali. Minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet, hawnhekk m’għandhiex titqajjem pożizzjoni ġdida tal-KESE dwar il-VMK f’xi sentenzi.

Ittieħdet votazzjoni konġunta dwar iż-żewġ emendi u dawn ġew irrifjutati b’81 vot favur, 135 kontra u 29 astensjoni.