ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 6A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 64
8ta' Jannar 2021


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2021/C 6 A/01

Sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-ħatra ta’ membri tal-Bord tal-Appell tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-settur tas-servizzi finanzjarji (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

8.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 6/1


Sejħa għal espressjoni ta’ interess fil-ħatra ta’ membri tal-Bord tal-Appell tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-settur tas-servizzi finanzjarji (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)

(2021/C 6 A/01)

 

1.   Deskrizzjoni tal-Awtoritajiet

L-awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), inħolqu permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 (2), u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (3) rispettivament. Flimkien, jikkostitwixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-setturi tas-servizzi finanzjarji, u huma membri tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja.

Bħala għanijiet għas-setturi rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, għandhom, fost l-oħrajn:

li jinkiseb livell tajjeb, effettiv u konsistenti ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni,

li jiġu żgurati l-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-operat ordnat tas-swieq finanzjarji,

it-tisħiħ tal-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali,

li jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju u tingħata promozzjoni għal kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni,

li jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ investiment u riskji oħrajn ikunu regolati u sorveljati adegwatament,

it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur, u

it-titjib tal-konverġenza superviżorja fis-suq intern kollu.

Barra minn hekk, l-ESMA twettaq is-superviżjoni diretta tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u tat-titolizzazzjoni fl-UE, kif ukoll tal-kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi (TC-CCPs), b’mod partikolari għal dawk ta’ importanza sistemika jew li x’aktarx isiru ta’ importanza sistemika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha jew aktar. L-ESMA hija wkoll fdata bis-setgħat li tissorvelja direttament parametri referenzjarji ta’ importanza kritika u ta’ pajjiżi terzi kif ukoll fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data. Fl-aħħar nett, fost l-oħrajn, l-ESMA twettaq ukoll kompiti rilevanti għal derivattivi barra l-borża (OTC), bejgħ qasir ta’ titoli u infrastrutturi kritiċi tas-suq.

Għal dan l-għan, minbarra l-adozzjoni ta’atti mhux vinkolanti bħal linji gwida u rakkomandazzjonijiet, u abbozz ta’ standards tekniċi, kull Awtorità tista’ tadotta wkoll deċiżjonijiet vinkolanti f’ċerti ċirkostanzi indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji individwali, li, flimkien ma’ ċerti deċiżjonijiet oħra jkunu atti appellabbli.

L-EBA u l-ESMA għandhom is-sede tagħhom f’Pariġi, Franza, u l-EIOPA għandha s-sede tagħha fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja. Kull Awtorità ġiet stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2011.

2.   Il-Bord tal-Appell

L-Artikoli 60 u 61 ta’ kull wieħed mit-tliet Regolamenti jistipulaw ir-rimedji rilevanti kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet. L-Artikoli 58 u 59 ta’ kull Regolament jipprevedu li jkun stabbilit Bord tal-Appell tat-tliet Awtoritajiet. Il-Bord tal-Appell huwa responsabbli għad-deċiżjoni dwar l-appelli fil-konfront ta’ ċerti deċiżjonijiet individwali tal-Awtoritajiet. Id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu min-naħa tagħhom jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u minn sitt sostituti (żewġ membri u żewġ sostituti maħtura għal u minn kull Awtorità), li għandhom ikunu individwi ta’ reputazzjoni tajba b’rekord ippruvat ta’ għarfien rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u esperjenza professjonali internazzjonali, f’livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, tas-swieq tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn. Huma esklużi l-persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet jew korpi nazzjonali jew tal-Unjoni oħra involuti fl-attivitajiet tal-Awtoritajiet u tal-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni, tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati jew tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq. Il-membri u s-sostituti għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru u għandu jkollhom għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-Bord tal-Appell għandu jkollu biżżejjed għarfien espert legali biex jipprovdi konsulenza ġuridika dwar il-legalità, inkluża l-proporzjonalità, tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-Awtoritajiet.

Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Dawn ma għandhomx ikunu marbuta bi struzzjonijiet.

Il-Bord tal-Appell jaħtar il-President tiegħu stess.

Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Appell għandu jkun ta’ ħames snin. Dan il-mandat jista’ jiġi estiż darba.

3.   Kriterji ta’ eliġibbiltà

Mid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet, il-kandidati:

iridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (4),

ma jistgħux ikunu attwalment persunal tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet jew korpi nazzjonali jew tal-Unjoni involuti fl-attivitajiet tal-Awtoritajiet,

ma jistgħux ikunu membri ta’ Gruppi tal-Partijiet Interessati ta’ xi Awtorità,

iridu jkunu (a) temmew b’suċċess kors sħiħ ta’ studji universitarji fil-liġi jew fl-ekonomija jew f’suġġett ieħor rilevanti għax-xogħol tal-Awtoritajiet, mixhud b’lawrja li fiha t-tul normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta’ erba’ snin jew aktar li tagħti aċċess għal studji postgradwatorji; jew (b) temmew b’suċċess kors sħiħ ta’ studji universitarji fil-liġi, fl-ekonomija jew f’suġġett ieħor rilevanti għax-xogħol tal-Awtoritajiet mixhud b’lawrja, li fiha t-tul normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta’ tliet snin, u sena oħra ta’ esperjenza professjonali rilevanti; jew (c) ikkwalifikaw b’suċċess biex iwettqu attivitajiet professjonali bħala avukati fi Stat Membru,

irid ikollhom minn tal-anqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali rilevanti għas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, tas-swieq tat-titoli jew għal servizzi finanzjarji oħrajn (miksuba wara li tingħata l-lawrja universitarja jew il-lawrja u l-esperjenza msemmija aktar ’il fuq). Din l-esperjenza tista’ tinkludi t-tfassil tal-politika u s-superviżjoni,

rekord ippruvat tal-għarfien u fehim tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tas-servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, jew tas-swieq tat-titoli.

għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi tal-Unjoni (5) (il-lingwa predominanti ta’ komunikazzjoni fl-Awtoritajiet se tkun l-Ingliż iżda jistgħu jitressqu appelli fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea).

4.   Kriterji tas-selezzjoni

Se jiġi kkunsidrat dan li ġej:

rekord ippruvat ta’ għarfien u esperjenza professjonali rilevanti, inkluża dik superviżorja f’livell għoli fl-oqsma tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, tas-swieq tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn,

għarfien u komprensjoni tajbin ħafna tar-regoli ta’ proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u/jew tal-prassi ġudizzjarja fil-kuntest tal-appelli regolatorji u/jew il-proċeduri tal-arbitraġġ,

ħidma fil-qasam legali jew akkademiku b’rabta mas-superviżjoni tkun ta’ vantaġġ kbir,

il-kapaċità li tkun disponibbli fi żmien qasir għas-smigħ tal-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet,

il-potenzjal ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jillimitaw l-abbiltà ta’ kandidat li jisma’ l-appelli,

5.   Il-proċedura tal-għażla u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Il-persuni fiżiċi huma mistiedna li jissottomettu espressjoni ta’ interess skont ir-regoli stabbiliti f’dan l-avviż.

Skont it-termini tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, u (UE) Nru 1095/2010, il-Bord tat-Tmexxija ta’ kull Awtorità se jiddeċiedi (wara konsultazzjoni mal-Bordijiet tas-Superviżuri rispettivi tagħhom) dwar il-ħatra ta’ membri u/jew sostituti abbażi ta’ lista qasira proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Wara li jirċievi l-lista qasira, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-kandidati għal membri u sostituti jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u jwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-membri tal-Bord tal-Appell biex jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u biex iwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu kull meta mitluba, bl-esklużjoni ta’ dikjarazzjonijiet, mistoqsijiet jew tweġibiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ każijiet individwali deċiżi mill-Bord tal-Appel jew li jkunu għadhom pendenti quddiemu.

L-għan ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess huwa li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi lista qasira ta’ kandidati biex jiġu proposti lill-Bordijiet tat-Tmexxija tal-Awtoritajiet għall-pożizzjonijiet tal-membri/sostituti tal-Bord tal-Appell. Il-kandidati għandhom jinnotaw li l-inklużjoni fil-lista qasira tal-Kummissjoni Ewropea mhijiex garanzija li se jinħatru.

Il-lista qasira li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni għandha tieħu l-forma ta’ lista ta’ riżerva. B’kont meħud tal-ħtiġijiet futuri possibbli tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fir-rigward tal-ħatra ta’ membri jew sostituti ġodda għall-Bord tal-Appell, il-lista ta’ riżerva ser tkun valida għal 5 snin mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se torganizza l-proċess tas-selezzjoni għall-istabbiliment tal-lista qasira tal-membri/sostituti tal-Bord tal-Appell. Għal dan il-għan, se twaqqaf bord tas-selezzjoni li jistieden lill-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ eliġibbiltà elenkati hawn fuq għal intervista.

Wara dawn l-intervisti, il-bord tas-selezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jagħmel lista qasira tal-kandidati l-aktar xierqa. Din il-lista se tiġi adottata mill-Kummissjoni Ewropea u kkomunikata lill-Bordijiet Maniġerjali tat-tliet Awtoritajiet u lill-Parlament Ewropew. L-awtoritajiet japplikaw arranġamenti li jippermettulhom jivvalutaw il-kandidati magħżula b’mod effiċjenti. Dawn jistgħu jinkludu intervisti.

Il-membri tal-Bord tal-Appell ma jistgħu jwettqu l-ebda dmir ieħor fl-Awtoritajiet, la fil-Bordijiet Maniġerjali u lanqas fil-Bordijiet tas-Superviżuri tagħhom. Dawn għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-ispejjeż skont il-limiti baġitarji tal-ASE għall-kompiti mwettqa abbażi ta’ kuntratt bħala fornituri ta’ servizz, iżda ma għandhomx ikunu impjegati permanenti tal-Awtoritajiet. Il-Membri tal-Bord tal-Appelli jista’ għalhekk ikollhom impjieg full-time, jekk dan ikun kompatibbli mal-abbiltà tagħhom li jisimgħu l-appelli fi żmien qasir. Il-livell ta’ attività tal-Bord tal-Appell ikun jiddependi fuq l-għadd ta’ appelli li jkunu saru kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet.

Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dan il-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenji u dikjarazzjoni tal-interessi li fihom jindikaw in-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, kull sena, u bil-miktub.

6.   Sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, trid tiċċekkja sew jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li se tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan se jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jsir kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant nitolbuk iżżomm lill-Kummissjoni Ewropea informata bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati huma mistiedna jispeċifikaw kull lingwa tal-UE li huma jafu u l-livell korrispondenti ta’ għarfien skont il-Qafas ta’ Referenza Ewropew Komuni għal-Lingwi (6). Kopji ċċertifikati ta’ lawrji/diplomi, ta’ referenzi, ta’ prova ta’ esperjenza, eċċ. ma għandhomx jintbagħtu f’dan l-istadju iżda jridu jiġu sottomessi aktar ’il quddiem fil-proċedura, jekk jintalbu.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċevix ittra elettronika ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Jekk teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Għal raġunijiet ta’ funzjonalità u sabiex il-proċedura tas-selezzjoni titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjonijiet, il-proċedura tas-selezzjoni se ssir bl-Ingliż (7).

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hi t-8 ta’ Frar 2021. Ir-reġistrazzjoni online mhux se tkun possibbli wara nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nagħtuk parir li ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, minħabba li t-traffiku tal-internet qawwi jew xi problema fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tintemm qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

7.   Opportunitajiet indaqs

L-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

8.   Protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ din id-data.

9.   Kunflitt ta’ Interess

Il-kandidati magħżula inklużi fil-lista qasira għandhom jintalbu jagħmlu dikjarazzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess qabel il-proċess tas-selezzjoni mill-Bord tas-Superviżuri tal-ASE. B’mod partikolari, il-kandidati magħżula se jkunu meħtieġa jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom li se jiġi eżaminat f’konformità mal-qafas tal-Etika tal-ASE.

10.   Politika ta’ remunerazzjoni

Il-membri u s-sostituti tal-Bord tal-Appell jiġu remunerati ta’ xogħolhom.

Il-President u l-membri għandhom jiġu remunerati mill-ASE b’rata fissa skont il-politika ta’ remunerazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-ASE. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza għall-attendenza tal-laqgħa annwali tal-Bord tal-Appell se jiġu rimborżati skont ir-regoli dwar ir-rimborż tal-persunal tal-Kummissjoni tal-UE.

Hija prevista l-iskema ta’ remunerazzjoni li ġejja abbażi tar-regoli applikabbli bħalissa:

Il-membri u s-sostituti li jipparteċipaw fil-proċedimenti (meta jiġu assenjati biss għal każ ta’ appell/arbitraġġ) għandhom jiġu remunerati b’rata ta’ 800 EUR kull ġurnata, b’massimu ta’ EUR 8 000 kull każ għal kull persuna.

Il-President u r-Relatur li jipparteċipaw fil-proċedimenti għandhom jiġu remunerati b’rata ta’ EUR 1 000 kuljum, b’massimu ta’ EUR 20 000 rispettivament għal kull persuna kull każ.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Iżvezja

(5)  Il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, l-Irlandiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż.

(6)  https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=090000168045bc73

(7)  Il-bord tas-selezzjoni se jiżgura li ma jingħata ebda vantaġġ indebitu lill-kelliema nattivi.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).