ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 419

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
4 ta' Diċembru 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

il–Kunsill

2020/C 419/01

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta' Jannar 2021–30 ta' Ġunju 2024)

1


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 419/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.10013 — Vestas/MHI Vestas JV) ( 1 )

12

2020/C 419/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9723 — Showa Denko K.K./Hitachi Chemical Company) ( 1 )

13

2020/C 419/04

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9725 — Ardian/Groupe Cérélia) ( 1 )

14

2020/C 419/05

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9675 — Apollo Capital Management/Lopesan Group/IFA Faro Hotel/IFA Buenaventura Hotel) ( 1 )

15

2020/C 419/06

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9684 — Parks Bottom/Omers/Accor/Fairmont Hotels) ( 1 )

16

2020/C 419/07

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9769 — VW Group/Munich RE Group/JV) ( 1 )

17


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

il–Kunsill

2020/C 419/08

Konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transsettorjali għall-benefiċċju tal-isport u l-attività fiżika fis-soċjetà

18

2020/C 419/09

Konklużjonijiet tal-Kunsill Il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri għall-estradizzjoni — l-isfidi attwali u t-triq ’il quddiem

23

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 419/10

Rata tal-kambju tal-euro — It-3 ta' Diċembru 2020

31


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 419/11

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

32

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 419/12

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10058 – Porsche/Transnet/JV) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

44

2020/C 419/13

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-każ M.10065 — Advent/Nielsen Global Connect) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

46

2020/C 419/14

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ M.9993 — Allianz/Noble) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

47

2020/C 419/15

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10092 — Accel-KKR Capital Partners/OMERS Private Equity/KCS) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

48

2020/C 419/16

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.10035 — Burnam Parties/Kroenke Parties/SMG/Cascade Investment/StorageMart) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

49


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

il–Kunsill

4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta' Jannar 2021–30 ta' Ġunju 2024)

(2020/C 419/01)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL:

1.

FILWAQT LI JFAKKRU fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li l-isport huwa qasam fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

2.

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu (1).

3.

FILWAQT LI JFAKKRU li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn l-iżvilupp ta' dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-lealtà u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment ta' dawk l-aktar żgħażagħ fosthom (2).

4.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-isport jista' jikkontribwixxi għall-kisba tal-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE, u b'mod partikolari l-miri ta' diversi oqsma ta' politika oħra bħall-edukazzjoni, is-saħħa, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, l-inklużjoni, l-ugwaljanza, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-iżvilupp urban u rurali, it-trasport, l-ambjent, it-turiżmu, l-impjiegi, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija; u li dawk l-oqsma ta' politika jistgħu jappoġġaw il-promozzjoni tal-isport abbażi ta' kooperazzjoni transsettorjali.

5.

FILWAQT LI JISSOTTOLINJAW li, f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, l-isport huwa wkoll faċilitatur importanti tal-iżvilupp sostenibbli (3) u għalhekk jista' jgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

6.

FILWAQT LI JFAKKRU fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjanijiet ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011-2014 (4), 2014-2017 (5) u għall-2017-2020 (6).

7.

FILWAQT LI JILQGĦU l-eżiti tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport 2017-2020, kif ukoll ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tiegħu (7).

8.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal kooperazzjoni adatta mal-moviment sportiv u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra u ma' organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi internazzjonali kompetenti, inkluż il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) u l-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA).

JISTABBILIXXU PJAN TA' ĦIDMA TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-ISPORT GĦALL-PERIJODU MILL-1 TA' JANNAR 2021 SAT-30 TA' ĠUNJU 2024:

9.

L-OBJETTIVI TA' GWIDA ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (minn hawn 'il quddiem, il-Pjan ta' Ħidma tal-UE) għandhom:

Isaħħu l-isport ibbażat fuq l-integrità u l-valuri fl-UE.

Isaħħu l-irkupru u r-reżiljenza għall-kriżijiet tas-settur tal-isport waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19.

Jappoġġaw politika għall-isport sostenibbli u bbażata fuq l-evidenza.

Iżidu l-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa sabiex jiġu promossi stil ta' ħajja attiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva.

Jiżguraw, permezz ta' kooperazzjoni transsettorjali, is-sensibilizzazzjoni ta' oqsma ta' politika oħra tal-UE dwar il-kontribut importanti li l-isport jista' jagħti għat-tkabbir sostenibbli f'termini ambjentali u soċjali tal-Ewropa, id-diġitalizzazzjoni kif ukoll l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u r-reżiljenza futura, kif ukoll biex jintlaħqu l-SDGs.

Isaħħu d-dimensjoni internazzjonali tal-politika għall-isport tal-UE, speċjalment permezz ta' skambji u kollaborazzjoni mal-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati barra mill-UE.

Jipprovdu segwitu għat-tliet Pjanijiet ta' Ħidma għall-Isport preċedenti tal-UE u għal dokumenti oħra tal-UE relatati mal-isport, bħal konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill.

Ikomplu l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni.

Jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE mal-moviment sportiv u partijiet ikkonċernati u istituzzjonijiet rilevanti oħra, kemm fi ħdan il-qasam tal-isport u l-attività fiżika kif ukoll barra minnu.

Jappoġġaw kif xieraq l-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar l-Isport tal-Programm Erasmus+.

10.

Il-Pjan ta' Ħidma tal-UE jittratta l-oqsma ta' prijorità li ġejjin:

Protezzjoni tal-integrità u tal-valuri fl-isport;

Id-dimensjoni soċjoekonomika u dik ambjentali tal-isport;

Promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa.

Is-suġġetti ewlenin, it-temi, il-miri, il-formati ta' ħidma, l-eżiti possibbli, id-dati fil-mira u r-responsabbiltajiet konkreti huma stabbiliti u spjegati fl-Annessi I u II għal dan id-dokument.

11.

Dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE huwa strument flessibbli. Bidliet jew emendi sussegwenti jistgħu jsiru neċessarji biex ikun hemm rispons f'waqtu għal żviluppi futuri jew mhux mistennija u kwistjonijiet urġenti fil-qasam tal-isport u l-attività fiżika, filwaqt li jittieħed kont tal-prijoritajiet tal-presidenzi futuri tal-Kunsill.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

12.

Jimpenjaw ruħhom fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE u fejn xieraq jikkontribwixxu bl-għarfien espert u l-esperjenza tagħhom għad-diversi formati ta' ħidma.

13.

Jikkunsidraw li jieħdu kont tal-għarfien u l-eżiti miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw politiki dwar l-isport jew politiki rilevanti oħra fil-livell nazzjonali u subnazzjonali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-isport.

14.

Jinfurmaw, u fejn xieraq jikkonsultaw, il-moviment sportiv nazzjonali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE u jxerrdu l-għarfien u l-eżiti, sabiex jiffaċilitaw ir-rilevanza prattika u l-viżibbiltà tal-attivitajiet.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL BIEX:

15.

Jieħdu kont ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw il-programm tagħhom u jibnu fuq ir-riżultati diġà miksuba.

16.

Jikkunsidraw li jorganizzaw laqgħat fil-livell ta' ħidma mar-rappreżentanti rilevanti tal-moviment sportiv u partijiet ikkonċernati oħra fl-isport biex fost l-oħrajn tiġi skambjata informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE, biex jiġu esplorati ambizzjonijiet reċiproċi u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prijoritajiet ippjanati tal-presidenzi tal-Kunsill li jmiss (8).

17.

Fi tmiem it-terminu kopert minn din ir-riżoluzzjoni, u abbażi ta' rapport li għandu jitħejja mill-Kummissjoni, jipproponu abbozz ta' Pjan ta' Ħidma tal-UE ġdid għall-perijodu li jmiss, jekk ikun adatt.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

18.

Tinvolvi, flimkien mal-Istati Membri, il-moviment sportiv u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE u tappoġġa lill-Istati Membri bl-għarfien espert u l-esperjenza tagħha mis-setturi ta' politika rilevanti kollha, f'konformità mal-Annessi I u II għal din ir-Riżoluzzjoni.

19.

Tikkontribwixxi għal politiki bbażati fuq l-evidenza fl-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod partikolari permezz ta' studji u stħarriġ.

20.

Tkompli tinforma lill-Istati Membri, lill-moviment sportiv u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar l-inizjattivi li għaddejjin u dawk ippjanati u l-opportunitajiet ta' finanzjament fil-qasam tal-isport kif ukoll f'oqsma oħra ta' politika tal-UE rilevanti għall-isport u, fejn ikun il-każ, tikkonsulta mal-Istati Membri minn qabel, permezz tal-mezzi u l-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill (9), dwar l-implimentazzjoni ta' inizjattivi speċifiċi tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE.

21.

Tippromwovi l-integrazzjoni tal-isport u l-attività fiżika f'oqsma oħra ta' politika tal-UE.

22.

Ixxerred l-għarfien u l-eżiti miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE sabiex jiġu żgurati r-rilevanza prattika u l-viżibbiltà tal-attivitajiet.

23.

Tikkunsidra li tipprovdi pjattaforma online għall-ħażna u l-iskambju ta' rapporti, tal-aħjar prattiki jew ta' dokumenti rilevanti biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri.

24.

Tippreżenta, matul it-tieni nofs tal-2023 u fuq il-bażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, rapport dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE. Dan ir-rapport ser ikun il-bażi għat-tħejjija ta' Pjan ta' Ħidma suċċessur possibbli tal-UE matul it-tieni nofs tal-2024.

TISTIEDEN LILL-MOVIMENT SPORTIV U LIL PARTIJIET IKKONĊERNATI OĦRA BIEX:

25.

Jaħdmu flimkien mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE, u jikkontribwixxu bl-għarfien espert u l-esperjenza tagħhom għad-diversi formati ta' ħidma.

26.

Jikkunsidraw li jxerrdu l-għarfien u l-eżiti miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE, u jqisuhom fl-attivitajiet tagħhom stess.

(1)  Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)  Ara l-Artikolu 165(2) TFUE.

(3)  https://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E, ara l-Paragrafu 37.

(4)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(5)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 12.

(6)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 5.

(7)  Dok. 9469/20 + ADD 1.

(8)  Din il-laqgħa tista' pereżempju ssir fil-marġini tal-Forum annwali tal-UE dwar l-Isport. Min-naħa tal-UE, il-parteċipanti f'din il-laqgħa jistgħu jkunu r-rappreżentanti tat-Triju ta' Presidenzi attwali, it-Triju ta' Presidenzi li jmiss u l-Kummissjoni.

(9)  B'mod partikolari, il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport.


ANNESS I

Qasam ta' prijorità: Protezzjoni tal-integrità u tal-valuri fl-isport

Suġġett ewlieni

Tema

Mira

Format ta' ħidma

(poss.) Eżitu / data ppjanata

Mexxej(ja)

Ambjent Sikur fl-Isport (1)

Il-prevenzjoni tal-fastidju, l-abbuż u l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali u kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni

Sensibilizzazzjoni

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar Governanza Tajba dwar il-protezzjoni ta' atleti żgħażagħ u s-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal fl-isport (2016) (2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar is-salvagwardja tat-tfal fl-isport (3)

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill jew dibattitu ta' orjentazzjoni

It-tieni nofs tal-2023

Presidenza ES

Antidoping (4)

L-iżgurar tal-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-laqgħat tal-WADA u tal-CAHAMA

Tħejjija tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għal-laqgħat tal-Kumitat Ad Hoc Ewropew għall-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (CAHAMA) u l-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA) f'konformità mar-Riżoluzzjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta’ Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri qabel il-laqgħat tal-WADA (5) (jew kwalunkwe dokument sussegwenti relatat magħhom)

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu (appoġġati kif meħtieġ mill-esperti)

(poss.) Koordinazzjoni u pożizzjoni tal-UE

(2021 - 2024)

Presidenzi, Kummissjoni

Sport u Edukazzjoni

L-isport bħala qafas għal ħiliet personali , soċjali u ta' tagħlim u l-promozzjoni tat-tolleranza, is-solidarjetà, l-inklużività kif ukoll valuri sportivi u valuri oħra tal-UE (6)

Sensibilizzazzjoni

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni tal-UE permezz tal-isport (7)

Grupp ta' Stati Membri interessati (Attività ta' tagħlim bejn il-pari)

2021 - 2022

DE

Konferenza dwar ir-rwol u l-impatt tal-isport fil-ħajja tat-tfal

L-ewwel nofs tal-2022

Presidenza FR

Laqgħa tad-Direttorati Ġenerali (b'enfasi speċjali fuq l-atleti professjonali u l-movimenti sportivi bħala mudelli eżemplari)

It-tieni nofs tal-2022

Presidenza CZ

Ħiliet u kwalifiki fl-isport: atleti u persunal, b'mod partikolari l-kowċis

Konferenza

2021 - 2023

Kummissjoni

 

Karrieri doppji għall-atleti

Sensibilizzazzjoni

Skambju tal-aħjar prattika

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-karrieri doppji għall-atleti (8)

Kunsill u korpi preparatorji

Dibattitu ta' Orjentazzjoni

(It-tieni nofs tal-2021)

Presidenza SI

Ugwaljanza bejn il-ġeneri

Żieda fis-sehem tan-nisa, speċjalment fost il-kowċis u pożizzjonijiet ta' tmexxija fl-organizzazzjonijiet sportivi u l-klabbs sportivi

Kondizzjonijiet ugwali (inkluż il-ħlas) ta' atleti, kowċis, uffiċjali, persunal, eċċ. nisa u rġiel.

Żieda fil-kopertura mill-media tal-kompetizzjonijiet sportivi tan-nisa, il-ġlieda kontra l-isterjotipi, eċċ.

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Isport (9) u għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar Governanza Tajba dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-isport (10)

Konferenza

2022 - 2023

Kummissjoni

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill (It-tieni nofs tal-2023)

Presidenza ES

Diplomazija bl-Isport

Diplomazija bl-Isport fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-UE

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-diplomazija bl-isport (11)

Konferenza

L-ewwel nofs tal-2021

Presidenza PT

Grupp ta' Stati Membri interessati

L-ewwel nofs tal-2023

HR

Mudell Ewropew tal-Isport

L-impatt ta' kompetizzjonijiet sportivi ristretti għall-pubbliku fuq is-sistema tal-isport organizzat, b'kont meħud tal-ispeċifiċità tal-isport

Sfidi possibbli li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-organizzazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi Ewropej (titolu ta' ħidma)

Tisħiħ tal-għarfien

Analiżi tas-sitwazzjoni fattwali u legali

Sensibilizzazzjoni

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill (It-tieni nofs tal-2021)

Presidenza SI

(poss.) Studju

2022

Kummissjoni

Drittijiet tal-atleti

Id-drittijiet tal-atleti u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, b'mod partikolari dawk relatati mal-parteċipazzjoni f'avvenimenti sportivi (fost l-oħrajn id-drittijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, il-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni legali, in-nondiskriminazzjoni)

Sensibilizzazzjoni

Tisħiħ tal-għarfien

Analiżi tas-sitwazzjoni fattwali u legali

Seminar

2023

Kummissjoni

(poss.) Studju

 

Kummissjoni

Żvilupp u promozzjoni tal-governanza tajba fl-isport

L-identifikazzjoni tal-ostakli relatati mal-governanza li għandhom jiġu indirizzati fl-isport

Skambju tal-aħjar prattika

Analiżi komparattiva

Konferenza

2022 - 2023

BG

SE

Il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi ("Konvenzjoni ta' Macolin")

Analiżi ta' modi biex, flimkien mal-Kummissjoni, tiġi żblukkata s-sitwazzjoni fir-rigward tal-Konvenzjoni bil-ħsieb li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jkunu jistgħu jlestu l-proċessi ta' ratifika rispettivi tagħhom u jaderixxu mal-Konvenzjoni

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport (12)

Kunsill u korpi preparatorji

2021 - 2022

Presidenza

Kummissjoni

Qasam ta' prijorità: Id-dimensjoni soċjoekonomika u dik ambjentali tal-isport

Suġġett ewlieni

Tema

Mira

Format ta' ħidma

(poss.) Eżitu / data ppjanata

Mexxej(ja)

Innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni

L-innovazzjoni fl-isport f'kull dimensjoni u fil-livelli kollha tas-settur tal-isport (inkluż il-klabbs sportivi lokali)

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-isport bħala mutur tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku (13)

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-innovazzjoni fl-isport

(L-ewwel nofs tal-2021)

Presidenza PT

Seminar

L-ewwel nofs tal-2021

Presidenza PT

Grupp ta' Stati Membri interessati

L-ewwel nofs tal-2021

BG

Grupp ta' Stati Membri interessati (iffukat b'mod partikolari fuq l-użu ta' għodod diġitali fl-edukazzjoni tal-kowċis (14))

2021 - 2022

DE

HR

Seminar

It-tieni nofs tal-2023

BE

L-Isport Ekoloġiku

L-edukazzjoni għal sport sostenibbli

Prattika, faċilitajiet u avvenimenti sportivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent

L-evoluzzjoni tal-isport u l-prattika tiegħu fid-dawl tat-tibdil fil-klima

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Sensibilizzazzjoni

Elaborazzjoni ta' proposta għal qafas komuni b'impenji kondiviżi, b'kont meħud tal-patt klimatiku Ewropew

Grupp ta' Esperti

2021 - 2023

Kummissjoni

Grupp ta' Stati Membri interessati

2021 - L-ewwel nofs tal-2022

Presidenza FR

 

 

NL

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Patt ekoloġiku għall-isport, possibbilment akkumpanjata minn dikjarazzjoni minn diversi partijiet ikkonċernati

(L-ewwel nofs tal-2022)

Presidenza FR

Faċilitajiet sportivi

L-ippjanar sostenibbli, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Sensibilizzazzjoni

Grupp ta' Stati Membri interessati (Attività ta' Tagħlim Bejn il-Pari)

2021

DE

Konferenza

It-tieni nofs tal-2022

Presidenza CZ

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar infrastruttura sostenibbli u aċċessibbli għall-isport (It-tieni nofs tal-2022)

CZ

Presidenza

Avvenimenti sportivi kbar

Il-futur tal-Ewropa bħala post li jospita avvenimenti sportivi kbar

L-ospitar konġunt minn diversi pajjiżi ta' avvenimenti sportivi kbar

Ippjanar u twettiq sostenibbli

Segwitu pożittiv għall-bliet jew ir-reġjuni ospitanti (inkluż l-involviment taż-żgħażagħ)

Skambju tal-aħjar prattika

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar it-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba f’avvenimenti sportivi ewlenin (15) u għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar id-Dimensjoni Ekonomika tal-Isport fir-rigward ta' avvenimenti sportivi ewlenin, b'mod partikolari dwar l-aspetti tal-wirt b'enfasi fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali (16)

Segwitu għad-dikjarazzjoni ffirmata matul il-laqgħa ministerjali informali tal-31 ta' Mejju 2018 f'Pariġi (17)

Grupp ta' Stati Membri interessati jew Konferenza

It-tieni nofs tal-2021

FI

 

2022 - 2023

NL

 

2024

ES

Il-perspettiva tal-isport tal-UE dwar il-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2024

Laqgħa tad-Diretturi Ġenerali

L-ewwel nofs tal-2022

Presidenza FR

Investimenti fl-isport u fl-attività fiżika

Il-kontribut tal-isport għall-iżvilupp reġjonali

Possibbiltajiet għall-użu ta' programmi ta' finanzjament tal-UE (Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), React-EU, il-Fondi Strutturali u programmi oħra ta' finanzjament tal-UE)

Analiżi tas-sitwazzjoni

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar id-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tiegħu (18)

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport (19)

Grupp ta' Stati Membri interessati

2021

IT

Laqgħa Tematika

2022

Kummissjoni

It-tisħiħ tal-irkupru u r-reżiljenza għall-kriżijiet tas-settur tal-isport waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19

L-impatt tal-pandemija fuq terminu medju u twil fuq l-isport professjonali, ta' prestazzjoni għolja u tal-massa

Ħtieġa possibbli ta' modifiki strutturali fis-sistema tal-isport

Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi

Opportunitajiet ta' finanzjament

Analiżi tas-sitwazzjoni

Skambju tal-aħjar prattika

Żvilupp ta' strateġija

Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport (20)

Konferenza

2021

ES

Grupp ta' Esperti

2021 - 2023

Kummissjoni

Qasam ta' prijorità: Promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-isport u fl-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa

Suġġett ewlieni

Tema

Mira

Format ta' ħidma

Eżitu / data ppjanata

Mexxej(ja)

Il-ħolqien ta' opportunitajiet adegwati għall-isport u l-attività fiżika għall-ġenerazzjonijiet kollha

L-iżvilupp strateġiku tal-isport u l-attività fiżika fil-livell lokali

Skambju tal-aħjar prattika

Tisħiħ tal-għarfien

Segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal (21).

Grupp ta' Stati Membri interessati

2021 - 2022

DE

L-iżvilupp tar-rwol u l-impatt tal-isport fil-ħajja tat-tfal

Konferenza

L-ewwel nofs tal-2022

Presidenza FR

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill (L-ewwel nofs tal-2022)

Presidenza FR

Promozzjoni Promozzjoni tal-Attività Fiżika

Monitoraġġ tal-attività fiżika tul il-ħajja

Kooperazzjoni transsettorjali mal-istituzzjonijiet rilevanti (fost l-oħrajn mal-iskejjel)

Ir-rwol tal-media

Sensibilizzazzjoni

Tisħiħ tal-għarfien

Skambju tal-aħjar prattika

Konferenza

It-tieni nofs tal-2021

Presidenza SI

Kunsill u korpi preparatorji

(poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill (It-tieni nofs tal-2021)

Presidenza SI


(1)  Artikolu 165(2) TFUE: "L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tkun immirata lejn (…) l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, (…) billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment ta' dawk l-aktar żgħażagħ fosthom."

(2)  https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=25000&no=1

(3)  ĠU C 419, 12.12.2019, p. 1.

(4)  Artikolu 165(2) TFUE: L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tkun immirata lejn (…) l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi (…).

(5)  ĠU C 192, 1 7.6.2019, p. 1.

(6)  Artikolu 165(1) TFUE: "L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni (…) il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu."

(7)  ĠU C 196, 8.6.2018, p. 23.

(8)  ĠU C 168, 14.6.2013, p. 10.

(9)  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 39

(10)  https://ec.europa.eu/assets/eac/sport/library/policy_documents/expert-group-gender-equality_en.pdf

(11)  ĠU C 467, 15.12.2016, p. 12.

(12)  ĠU C 416, 11.12.2019, p. 3 (ara l-paragrafu 26).

(13)  ĠU C 436, 5.12.2014, p. 2.

(14)  Segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà (ĠU C 423, 9.12.2017, p. 6) u Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kowċis biż-żieda ta’ opportunitajiet għall-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi (ĠU C 196, 11.6.2020, p. 1).

(15)  ĠU C 212, 14.6.2016, p. 14.

(16)  https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=23271&no=1

(17)  https://www.sports.gouv.fr/IMG/pdf/declarationjop2024_europe_en.pdf

(18)  ĠU C 449, 13.12.2018, p. 1.

(19)  ĠU C 214 I, 29.6.2020, p. 1.

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

(21)  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 46.


ANNESS II

Prinċipji relatati mal-formati ta' ħidma u r-rappurtar

1.   

Il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport ser jiġi implimentat b'mod partikolari permezz ta' gruppi ta' esperti, gruppi ta' Stati Membri interessati (jiġifieri għal attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari), laqgħat tematiċi, konklużjonijiet tal-Kunsill, konferenzi u studji.

2.   

Il-gruppi ta' esperti huma mfassla għal parteċipazzjoni usa' mill-Istati Membri, bl-involviment tal-moviment sportiv u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-livell tal-UE. Il-parteċipazzjoni hija miftuħa għall-Istati Membri kollha fi kwalunkwe ħin. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw (ukoll) li jaħtru, f'każijiet xierqa, rappreżentanti tal-moviment sportiv nazzjonali tagħhom fi grupp ta' esperti.

Il-gruppi ta' esperti huma ppreseduti mill-Kummissjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni C(2016) 3301 (1). Meta tkun qed tagħżel rappreżentanti mill-moviment sportiv u partijiet ikkonċernati oħra fl-isport, il-Kummissjoni hija mitluba tqis b'mod partikolari r-rilevanza tal-istituzzjoni kkonċernata u l-għarfien espert relatat mas-suġġett ta' rappreżentanti maħtura speċifikament.

3.   

Gruppi ta' Stati Membri interessati ser jiġu organizzati minn Stat Membru wieħed jew aktar, fost l-oħrajn, sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar suġġetti u kwistjonijiet speċifiċi f'aktar dettall. Il-parteċipazzjoni fi gruppi ta' Stati Membri interessati hija miftuħa għall-Istati Membri kollha. Rappreżentanti tal-moviment sportiv jew partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jistgħu jiġu involuti wkoll. L-Istati Membri huma wkoll liberi li jiffurmaw gruppi ta' Stati Membri interessati dwar suġġetti li mhumiex elenkati fl-Anness I.

Gruppi ta' Stati Membri interessati, jekk iqisu li dan ikun meħtieġ, jistgħu jiddefinixxu l-proċeduri u l-istrutturi ta' ħidma tagħhom stess, fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi u l-eżiti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata mal-ħidma ta' dawn il-gruppi u, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet baġitarji, il-Kummissjoni tista' tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħidma tal-gruppi ta' Stati Membri interessati (bħala attività ta' tagħlim bejn il-pari).

4.   

Il-laqgħat tematiċi huma organizzati mill-Kummissjoni dwar tema speċifika biex jiġu ppreżentati l-ħidma u r-riżultati ta' proġetti rilevanti ffinanzjati permezz tal-Kapitolu dwar l-Isport tal-Erasmus+ jew programmi oħra ta' finanzjament tal-UE.

5.   

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma hija volontarja.

6.   

Il-laqgħat ta' gruppi ta' esperti, gruppi ta' Stati Membri interessati, konferenzi u laqgħat tematiċi jistgħu jsiru wkoll f'forma virtwali f'każijiet xierqa.

7.   

Il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport dwar il-progress tal-ħidma fil-gruppi ta' esperti u dwar konferenzi/laqgħat tematiċi/studji, u ser tippreżenta r-riżultati rispettivi tagħhom. Il-presidenzi tal-Kunsill ser jagħmlu l-istess fir-rigward tal-avvenimenti li jorganizzaw. Gruppi ta' Stati Membri interessati jistgħu jinnominaw rappreżentanti biex jagħmlu l-istess.

8.   

L-aġendi u r-rapporti tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn kemm jipparteċipaw f'qasam partikolari. Ir-riżultati tal-gruppi ser jiġu ppubblikati u mxerrda fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali permezz tal-mezzi adatti.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali għall-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (C(2016) 3301 final): https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2016/EN/3-2016-3301-EN-F1-1.PDF


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/12


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.10013 — Vestas/MHI Vestas JV)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/02)

Fit 27 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M10013. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/13


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9723 — Showa Denko K.K./Hitachi Chemical Company)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/03)

Fit 8.4.2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9723. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/14


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9725 — Ardian/Groupe Cérélia)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/04)

Fi 26 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fil-Franċiż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali.

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9725. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/15


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9675 — Apollo Capital Management/Lopesan Group/IFA Faro Hotel/IFA Buenaventura Hotel)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/05)

Fit 8 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9675. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/16


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9684 — Parks Bottom/Omers/Accor/Fairmont Hotels)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/06)

Fit 11 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9684. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/17


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9769 — VW Group/Munich RE Group/JV)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/07)

Fit 15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9769. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

il–Kunsill

4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/18


Konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transsettorjali għall-benefiċċju tal-isport u l-attività fiżika fis-soċjetà

(2020/C 419/08)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

FILWAQT LI JFAKKRU LI:

1.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta’ attività fiżika favur is-saħħa (1) tirrakkomanda fost affarijiet oħra li l-Istati Membri jaħdmu lejn politiki effettivi tal-HEPA (2) billi jiżviluppaw approċċ transsettorjali li jinvolvi oqsma ta’ politika li jinkludu l-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-trasport, kif ukoll setturi rilevanti oħrajn u skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali (3).

2.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal jappellaw lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jimplimentaw politiki transettorjali, bis-setturi tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-saħħa fost l-oħrajn, biex jiġu promossi attivitajiet fiżiċi u ħiliet motorji fit-tfulija bikrija (4).

3.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà jenfasizzaw il-ħtieġa li tiżdied dimensjoni internazzjonali u transsettorjali għall-edukazzjoni tal-ikkowċjar billi jiġu integrati eżempji tajba u metodi ta’ ħidma utli mill-ħidma fost iż-żgħażagħ bħal tagħlim mhux formali u informali, il-ħidma ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali u l-intraprenditorija (5).

4.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2018 dwar id-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tiegħu jistiednu lill-Istati Membri jappoġġaw u jxerrdu l-idea li r-rappreżentazzjoni tad-dimensjoni ekonomika tal-isport tiġi estiża bl-inklużjoni ta’ aspetti soċjoekonomiċi, speċjalment il-volontarjat, l-aspetti ekonomiċi fuq is-saħħa u l-innovazzjoni, fil-livell Ewropew u dak nazzjonali u billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni transsettorjali (6).

5.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kowċis biż-żieda ta’ opportunitajiet għall-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi jistiednu lill-moviment sportiv biex isaħħaħ, f’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet rilevanti fil-livell tal-UE, il-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, il-kooperazzjoni transettorjali sabiex jiġu applikati ideat u metodi ġodda fil-ħidma ta’ kuljum, u jinvolvu s-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ għall-kowċis (7).

6.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport jappellaw lill-Istati Membri biex jippromwovu kooperazzjoni u konsultazzjonijiet transettorjali f’oqsma li huma rilevanti għall-isport fil-livelli kollha, inkluż mal-moviment sportiv, il-qasam tan-negozju relatat mal-isport u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi li s-settur sportiv qed jiffaċċa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-isport fis-soċjetà (8).

7.

Il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2017-2020 jirrikonoxxi li l-isport jaqdi rwol pożittiv fil-kooperazzjoni transsettorjali fil-livell tal-UE u b’hekk jgħin biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli u biex jiġu trattati b’mod xieraq l-isfidi soċjoekonomiċi ġenerali u dawk relatati mas-sigurtà li tħabbat wiċċha magħhom l-UE (9).

8.

Il-Karta Ewropea tal-Isport tal-Kunsill tal-Ewropa tissottolinja l-importanza ta’ koordinazzjoni bejn oqsma ta’ politika differenti biex jiġi żgurat li l-isport ikun parti integrali mill-iżvilupp soċjokulturali (10).

9.

L-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli tħaddan ir-rwol tal-isport bħala faċilitatur importanti għall-iżvilupp sostenibbli, u l-kontribut dejjem jikber tiegħu għall-objettivi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, fost oħrajn (11).

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

10.

L-isport u l-attività fiżika, meta jiġu pprattikati b’mod responsabbli u jkunu aġġustati għall-karatteristiċi ta’ kull persuna, jippromwovu s-saħħa u l-benesseri tal-persuni tal-ġenerazzjonijiet kollha, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu jnaqqsu l-piż fuq is-sistema tas-saħħa (12).

11.

Il-prattika tal-isport fil-komunità, speċjalment fil-klabbs sportivi, tista’ ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u l-parteċipazzjoni soċjali u b’hekk tippromwovi l-integrazzjoni u l-inklużjoni.

12.

Ix-xogħol volontarju fil-qasam tal-isport jipprovdi l-opportunità li jinkisbu ħiliet addizzjonali u li jingħata kontribut attiv għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali.

13.

Fil-qasam tat-trasport, l-attività fiżika fil-forma tal-mixi u ċ-ċikliżmu hija parti importanti mill-ħarsien tal-ambjent u tal-klima.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

14.

Skont stħarriġ statistiku reċenti, qed tidher it-tendenza li l-proporzjon ta’ persuni li jieħdu sehem fi sport jew f’attività fiżika qed jistaġna jew anki jonqos f’diversi Stati Membri (13).

15.

Barra minn hekk, jidher li l-organizzazzjonijiet sportivi qed ikollhom diffikultajiet dejjem akbar biex jattiraw lin-nies għal xogħol volontarju, speċjalment għal impenji volontarji fit-tul, fi klabbs sportivi.

16.

Il-pandemija tal-COVID-19, u l-miżuri u r-restrizzjonijiet sussegwenti stabbiliti biex jipprevjenu t-tixrid tal-virus, fil-biċċa l-kbira tagħhom affettwaw il-prattika tal-isport u l-attività fiżika, speċjalment fir-rigward tal-isport kollettiv u organizzat fiċ-ċentri sportivi.

FILWAQT LI JENFASIZZAW LI:

17.

L-isport u l-attività fiżika jirrappreżentaw aktar minn attività ta’ divertiment għall-individwu. Minħabba l-impatti pożittivi tagħhom, (14) hemm interess pubbliku fil-promozzjoni tal-isport u tal-attività fiżika fost iċ-ċittadini kollha.

18.

Il-kundizzjonijiet lokali għandhom influwenza konsiderevoli fuq id-deċiżjoni ta’ individwu li jsegwi stil ta’ ħajja attiv u tajjeb għas-saħħa, kif ukoll li jinvolvi ruħu f’xogħol volontarju fl-isport. L-aċċess affordabbli u faċli għall-isport, kif ukoll għall-faċilitajiet sportivi u l-ispazji pubbliċi li jinkoraġġixxu l-attività fiżika f’ambjent sikur, huma partikolarment importanti. L-istess japplika għal infrastruttura tat-trasport sostenibbli u ppjanar urban li jkun adattat għall-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet ta’ sikurezza tal-persuni mexjin fit-triq u taċ-ċiklisti.

19.

Kundizzjonijiet lokali bħal dawn itejbu l-kwalità ġenerali tal-ħajja f’muniċipalità jew f’reġjun, u għaldaqstant itejbu wkoll il-kompetittività u l-attraenza tiegħu. L-effetti pożittivi għalhekk imorru lil hinn mill-qasam tal-isport u tal-attività fiżika.

20.

L-isport u l-attività fiżika għandhom diversi rabtiet ma’ setturi ta’ politika oħra bħall-edukazzjoni, is-saħħa, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, l-infrastruttura, l-ispazju pubbliku (jiġifieri l-parks), l-iżvilupp urban u rurali, it-trasport, l-ambjent, ir-riċerka, l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-kultura, l-ekonomija, l-impjiegi, it-turiżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż l-istrumenti ta’ finanzjament rispettivi tagħhom.

21.

Il-kooperazzjoni transsettorjali jista’ jkollha rwol importanti biex toħloq jew tottimizza l-kundizzjonijiet għal stil ta’ ħajja attiv u tajjeb għas-saħħa, u għalhekk biex tattiva l-potenzjal soċjali pożittiv tal-isport u l-attività fiżika, kif ukoll biex tistimula l-innovazzjoni u d-dimensjoni ekonomika tal-isport. Azzjonijiet ikkoordinati f’diversi livelli jistgħu jkunu aktar effettivi minn interventi mwettqa b’mod iżolat.

22.

Bl-involviment tas-settur tal-isport, il-kooperazzjoni transsettorjali tista’ tespandi l-impatt pożittiv li l-isport u l-attività fiżika jista’ jkollhom fuq setturi ta’ politika oħra (15).

23.

Filwaqt li jsegwu l-miri tagħhom stess, l-atturi differenti tas-settur tal-isport (16) jistgħu jagħtu kontribut importanti lis-suċċess tal-kooperazzjoni transsettorjali u lill-kisba tal-miri politiċi ġenerali fil-livelli rispettivi (17).

24.

Is-suċċess fit-tul ta’ din il-kooperazzjoni transsettorjali jiddependi b’mod partikolari fuq il-promozzjoni u l-appoġġ tal-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi, u għalhekk finalment fuq il-benefiċċju reċiproku għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti u l-objettivi tal-politika settorjali tagħhom.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, FIL-LIVELLI ADATTI U FILWAQT LI JQISU L-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

25.

Jiżviluppaw u jissorveljaw, fejn ikun xieraq, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, strateġiji reċiproċi b’diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-isport u fl-attività fiżika fuq medda ta’ żmien qasira, medja u twila, u f’dan ir-rigward jagħtu attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni transsettorjali.

26.

Jidentifikaw, fejn ikun xieraq, fil-livelli kollha, dawk l-oqsma ta’ politika u amministrattivi li huma rilevanti għall-isport u l-attività fiżika, u jinkoraġġixxu lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet settorjali biex iqisu aktar il-benefiċċji li l-isport u l-attività fiżika jistgħu jiġġeneraw fil-politiki rispettivi tagħhom.

27.

Jippromwovu u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transsettorjali fit-tul fuq livelli differenti, fost oħrajn permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, u jiffaċilitawha u jappoġġawha permezz ta’ miżuri xierqa.

28.

Jinvolvu, fejn xieraq, lill-partijiet ikkonċernati kollha mis-settur tal-isport, speċjalment il-moviment sportiv, fil-kooperazzjoni transsettorjali.

29.

Jinformaw lill-partijiet ikkonċernati dwar il-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE biex jappoġġaw proġetti transsettorjali relatati mal-isport u l-attività fiżika u/jew jużaw dawn il-programmi kif xieraq. (18)

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

30.

Tippromwovi l-kooperazzjoni transsettorjali għall-benefiċċju tal-isport, l-attività fiżika u l-koeżjoni soċjali permezz ta’ inizjattivi adatti (19) u tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dan ir-rigward, bl-involviment tan-network tal-punti fokali dwar l-HEPA, kif ikun xieraq (20).

31.

Torganizza laqgħat mar-rappreżentanti tas-settur tal-isport u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tiżviluppa, tiddokumenta u tissorvelja l-għanijiet u l-istrateġiji kondiviżi fil-livell Ewropew, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-isport u fl-attività fiżika fuq medda ta’ żmien qasira, medja u twila, u f’dan ir-rigward tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni transsettorjali.

32.

Tikkunsidra li tappoġġa l-approċċ transsettorjali għall-promozzjoni ta’ proġetti relatati mal-isport u l-attività fiżika fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE.

33.

Tinforma lill-Istati Membri, lill-moviment tal-isport u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra dwar il-programmi ta’ finanzjament u l-inizjattivi rilevanti tal-UE li jistgħu jintużaw biex jappoġġaw proġetti transsettorjali relatati mal-isport u l-attività fiżika u jippromwovu stil ta’ ħajja li hu tajjeb għas-saħħa.

34.

Tidentifika dawk l-oqsma ta’ politika u amministrattivi fil-livell tal-UE li huma rilevanti għall-isport u l-attività fiżika, u tinkoraġġixxi kunsiderazzjoni akbar tal-impatt pożittiv tal-isport u l-attività fiżika fl-ippjanar u fil-programmi ta’ setturi ta’ politika oħrajn u fil-kisba tal-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE.

35.

Tikkontribwixxi għal għarfien aħjar tas-settur, eż. billi tipprovdi studji u analiżi li jappoġġaw l-impatt pożittiv tal-isport u l-attività fiżika, inkluż il-benefiċċji finanzjarji li l-isport u l-attività fiżika jista’ jkollhom fuq setturi oħra.

JISTIEDNU LILL-MOVIMENT SPORTIV U LIL PARTIJIET IKKONĊERNATI OĦRA BIEX:

36.

Jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fl-iżvilupp ta’ strateġiji biex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-isport u fl-attività fiżika.

37.

Jikkunsidraw isiru parti minn inizjattiva ta’ kooperazzjoni transsettorjali fil-livelli kollha sabiex jippromwovu r-rwol importanti li l-isport u l-attività fiżika jista’ jkollhom fi stil ta’ ħajja san, fl-iżvilupp personali u soċjali, fil-koeżjoni soċjali u fl-inklużjoni soċjali.


(1)  Ir-referenzi kollha msemmija f’dan id-dokument huma elenkati fl-Anness.

(2)  Attività fiżika favur is-saħħa.

(3)  Ara r-rakkomandazzjoni 1.

(4)  Ara l-paragrafu 13.

(5)  Ara l-paragrafu 14 h).

(6)  Ara l-paragrafu 23.

(7)  Ara l-paragrafu 40.

(8)  Ara l-paragrafu 25.

(9)  Ara l-paragrafu 5.

(10)  Ara l-Artikolu 13(1).

(11)  Ara b’mod partikolari l-paragrafu 37.

(12)  L-ispiża tan-nuqqas ta’ attività fiżika fl-UE hija stmata li tammonta għal EUR 84 biljun (Link: https://ec.europa.eu/jrc/en/science-update/european-public-health-week-jrc-publishes-overview-physical-activity).

(13)  Ewrobarometru Speċjali 472, Sport u Attività Fiżika, Marzu 2018 (Link: https://data.europa.eu/euodp/en/data/dataset/S2164_88_4_472_ENG)

(14)  Ara pereżempju l-paragrafi 10 – 13.

(15)  Ara pereżempju l-paragrafi 10 – 13.

(16)  Ara d-definizzjoni fl-Anness.

(17)  Pereżempju, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni ta’ klabbs sportivi lokali mal-iskejjel (pereżempju gruppi sportivi jiġu offruti waranofsinhar) tista’ twassal biex il-klabbs sportivi jiksbu aktar membri.

(18)  Pereżempju, il-Programm Erasmus+, il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, jew il-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali.

(19)  Inizjattivi bħal dawn jistgħu jkunu l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, il-Forum tal-UE dwar l-Isport, is-Sejħa ta’ Tartu għal Stil ta’ Ħajja Tajjeb għas-Saħħa kif ukoll l-inizjattiva SHARE.

(20)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa fis-setturi kollha, b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni 3.


ANNESS

Referenzi

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta’ attività fiżika favur is-saħħa (ĠU C 354, 4.12.2013, p. 1).

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 46).

Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rwol tal-kowċis fis-soċjetà (ĠU C 423, 9.12.2017, p. 6).

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2018 dwar id-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-benefiċċji soċjoekonomiċi tiegħu (ĠU C 449, 13.12.2018, p. 1).

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 2020 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kowċis biż-żieda ta’ opportunitajiet għall-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi (ĠU C 196, 11.6.2020, p. 1).

Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru tas-settur tal-isport (ĠU CI 214, 29.6.2020, p. 1).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (1 ta’ Lulju 2017 - 31 ta’ Diċembru 2020) (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 5).

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (92) 13 REV tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar Karta Ewropea riveduta tal-Isport.

Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Riżoluzzjoni tal-AĠNU A/RES/70/1 tal-25 ta’ Settembru 2015).

Definizzjoni

Għall-fini ta’ dawn il-Konklużjonijiet, is-“settur tal-isport” jikkonsisti minn federazzjonijiet sportivi, klabbs sportivi u partijiet ikkonċernati oħra li jiffukaw fuq attivitajiet relatati mal-isport, kif ukoll awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi relatati mal-isport f’diversi livelli.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/23


Konklużjonijiet tal-Kunsill

“Il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri għall-estradizzjoni — l-isfidi attwali u t-triq ’il quddiem”

(2020/C 419/09)

IL-KUNSILL ADOTTA L-KONKLUŻJONIJIET LI ĠEJJIN:

1.

Il-prijorità ewlenija tal-Aġenda Strateġika 2019-2024, adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta' Ġunju 2019, hija li tipproteġi ċ-ċittadini u l-libertajiet. L-Ewropa trid tkun post fejn in-nies iħossuhom liberi u sikuri. Għal dan il-għan, trid tiġi estiża u msaħħa l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali. Il-kooperazzjoni f'materji kriminali u l-iskambju ta' informazzjoni jenħtieġ li jirriflettu dawn l-ambizzjonijiet u l-applikazzjoni ta' strumenti komuni trid tittejjeb u tiġi żviluppata aktar.

2.

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI, id-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE) (1), li hija l-istrument ewlieni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, issimplifikat u aċċellerat il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Hija tkompli tagħti kontribut essenzjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini tagħha żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

3.

Id-diskussjonijiet dwar kif tista' tittejjeb aktar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali saru f'diversi okkażjonijiet. Matul dan il-proċess, ħarġu ċerti oqsma li fihom tista' tiżdied aktar l-effettività tal-mekkaniżmu ta' ċediment tal-MAE. B'hekk, fl-2018, matul il-Presidenza Awstrijaka, il-Kunsill adotta konklużjonijiet fuq ir-rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali, intitolati l-''Promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka'' (2). Fl-2019, il-Presidenza Rumena ħarġet rapport intitolat ''It-triq 'il quddiem fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji kriminali'' (3). Ir-rapport ta' implimentazzjoni l-aktar reċenti tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2020 (4), id-disa' ċiklu li għaddej bħalissa ta' evalwazzjonijiet reċiproċi fil-Kunsill (5), l-abbozz tar-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kumitat LIBE tal-4 ta' Settembru (6) u l-konferenza virtwali li saret fl-24 ta' Settembru 2020 fil-kuntest tal-Presidenza Ġermaniża (7) taw impetu ġdid lid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-MAE.

4.

It-13 ta' Ġunju 2022 ser ikun l-20 anniversarju mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Eurojust, in-Network Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) u l-prattikanti li jaħdmu ta' kuljum fuq il-proċedimenti ta' ċediment jenħtieġ li jistinkaw biex isibu u jimplimentaw soluzzjonijiet għall-isfidi attwali fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru biex jiġi ċċelebrat dak l-anniversarju.

5.

Il-Kunsill jaqbel li hemm lok għal titjib fl-oqsma li ġejjin:

A.

It-titjib tat-traspożizzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE,

B.

L-appoġġ lill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni fit-trattament ta' evalwazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali,

C.

L-indirizzar ta' ċerti aspetti tal-proċedura fl-Istat Membru emittenti u dak ta' eżekuzzjoni,

D.

It-trattament ta' talbiet biex ċittadini tal-UE jiġu estraditi lejn pajjiżi terzi,

E.

It-tisħiħ tal-proċeduri ta' ċediment tal-MAE fi żminijiet ta' kriżi.

A.   It-titjib tat-traspożizzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE

6.

L-effiċjenza u l-effettività tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE jiddependu prinċipalment fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE. Minkejja l-isforzi konsiderevoli li diġà saru, għad hemm lok għal titjib, b'mod partikolari fid-dawl tal-ġuriżprudenza li qed tevolvi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE).

7.

Il-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw it-traspożizzjoni korretta tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-ġuriżprudenza tal-QĠUE u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mir-raba' ċiklu u d-disa' ċiklu li għaddej bħalissa ta' evalwazzjonijiet reċiproċi (8), kif ukoll tar-rapporti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2006, il-11 ta' Lulju 2007, il-11 ta' April 2011 u t-2 ta' Lulju 2020 (9). Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur skont l-Artikolu 258 TFUE u, fejn meħtieġ, ser tkompli tibda tali proċedimenti fil-futur qarib.

8.

Il-Manwal dwar kif toħroġ u teżegwixxi mandat ta' arrest Ewropew (10), aġġornat l-aħħar fl-2017, wera li huwa għodda siewja għall-prattikanti. Fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew sadanittant, b'mod partikolari fir-rigward tal-għadd kbir ta' sentenzi mill-QĠUE, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-Manwal fil-futur qarib.

9.

L-Istati Membri huma inkoraġġuti biex jagħmluha aktar faċli għall-prattikanti biex japplikaw u jinterpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE billi jistabbilixxu linji gwida mhux vinkolanti għall-applikazzjoni tal-MAE. Tali linji gwida, li jenħtieġ li jieħdu kont tal-Manwal tal-MAE u jkunu kompatibbli miegħu, jistgħu jassistu lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, b'mod partikolari meta jiġu biex jivverifikaw jekk humiex issodisfati l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' MAE u jekk huwiex osservat il-prinċipju tal-proporzjonalità.

10.

Il-ħarsa ġenerali tal-Eurojust ''Ġuriżprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar il-MAE'', aġġornata l-aħħar f'Marzu 2020, uriet li hija għodda utli għall-prattikanti. Il-Kunsill jistieden lill-Eurojust taġġorna din il-ħarsa ġenerali kif adatt, kemm jista jkun ta' spiss, u tkompli tagħmilha disponibbli elettronikament f'forma adatta.

11.

Il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u n-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju fl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw u jżidu t-taħriġ kontinwu għall-prattikanti involuti fil-proċeduri ta' ċediment tal-MAE u biex jippromwovu aktar l-iskambju ta' fehmiet bejn prattikanti minn Stati Membri differenti. Il-kuntatt dirett bejn il-prattikanti fi Stati Membri differenti jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b'hekk jikkontribwixxi għal applikazzjoni aħjar tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE. Il-possibbiltajiet biex jiġu ospitati avvenimenti speċifiċi ta' taħriġ għal prattikanti minn żewġ Stati Membri jew aktar b'volum ta' każijiet reċiproku għoli jenħtieġ li jiġu esplorati aktar sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku.

12.

L-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) jaqdu rwol ewlieni fl-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, kif deher matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Eurojust u lin-NĠE biex ikomplu l-ħidma siewja tagħhom u jintensifikaw l-isforzi tagħhom kemm biex itejbu aktar l-iskambju ta' informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kif ukoll biex jipprovdu l-aħjar appoġġ possibbli għall-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

13.

Sabiex tittejjeb aktar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, jenħtieġ li jiġi pprovdut portal ċentralizzat fil-livell tal-Unjoni fejn tinġabar u tiġi aġġornata kontinwament l-informazzjoni rilevanti kollha li tista' tagħmilha aktar faċli għall-prattikanti biex jużaw il-MAE. Għal dak il-għan, in-NĠE, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-Eurojust u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, huwa mistieden jesplora l-opzjonijiet għall-espansjoni u t-titjib ulterjuri tas-sit web tan-NĠE, li diġà jipprovdi firxa wiesgħa ta' informazzjoni dwar il-MAE u għalhekk huwa bażi tajba f'dak ir-rigward.

B.   L-appoġġ lill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni fit-trattament ta' evalwazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali

14.

Is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE hija bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku (il-premessa 6, l-Artikolu 82(1) TFUE); filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi r-regola (l-Artikolu 1(2)), ir-rifjut ta' eżekuzzjoni huwa l-eċċezzjoni. Tali rifjut, li jista' jżid ir-riskju ta' impunità u jimmina s-sigurtà taċ-ċittadini u l-protezzjoni tal-vittmi, jista', fil-prinċipju, jiġi previst biss fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Kwadru. Għalkemm id-Deċiżjoni Kwadru ma tistipulax raġuni għal rifjut fil-każ ta' ksur imminenti tad-drittijiet fundamentali, ma għandhiex l-effett li timmodifika l-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji fundamentali kif minquxa fl-Artikolu 6 TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikolu 1(3), il-premessi 12 u 13).

15.

Il-QĠUE rrikonoxxiet li l-awtorità ġudizzjarja ta' eżekuzzjoni tista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali u soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, tirrifjuta li teżegwixxi MAE fejn ikun hemm riskju reali li ċ-ċediment tal-persuna kkonċernata tista' twassal għal trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta (11), minħabba l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istat emittenti, jew għal ksur tad-dritt fundamentali għal proċess ġust minqux fl-Artikolu 47(2) tal-Karta (12), minħabba tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat emittenti. Il-prattikanti b'hekk ingħataw il-kompitu diffiċli li jsolvu t-tensjoni bejn ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq bażi ta' każ b'każ.

Protezzjoni minn trattament inuman jew degradanti

16.

Il-projbizzjoni ta' trattament jew kastig inuman jew degradanti, stipulata fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija assoluta fis-sens li hija marbuta mill-qrib mar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, is-suġġett tal-Artikolu 1 tal-Karta u wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE (13).

17.

Il-Kunsill jenfasizza li l-isfidi relatati mal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istat Membru emittenti jridu jiġu indirizzati f'dak l-Istat Membru, u fir-rigward tal-persuni detenuti kollha. Huwa jenfasizza l-fatt li standards minimi u punti ta' riferiment dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, inkluż dwar l-arrest preventiv, diġà jeżistu fil-forma ta' strumenti ta' liġi mhux vinkolanti rikonoxxuti, b'mod partikolari r-''Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet'' tal-Kunsill tal-Ewropa (14). Il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma' dawn l-istrumenti.

18.

Il-Kunsill jissottolinja l-importanza li l-prattikanti jingħataw l-appoġġ u l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-valutazzjoni f'żewġ stadji kif stabbilit mill-QĠUE (15). Il-prattikanti jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata kif xieraq sabiex jivvalutaw, bħala l-ewwel pass, jekk hemmx nuqqasijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, li jistgħu jkunu sistemiċi jew ġeneralizzati, li jistgħu jaffettwaw ċerti gruppi ta' persuni, jew li jistgħu jaffettwaw ċerti postijiet ta' detenzjoni. Għat-tieni stadju ta' valutazzjoni, il-prattikanti jridu, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, jirċievu l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-kundizzjonijiet li fihom huwa effettivament maħsub li ser jinżamm l-individwu kkonċernat fl-Istat Membru emittenti, sabiex jevalwaw jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex jemmnu li, jekk tiġi ċeduta, dik il-persuna tkun f'riskju reali li tkun soġġetta għal trattament inuman jew degradanti.

19.

Il-Kunsill jilqa' l-fatt li, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) nediet il-bażi ta' data tad-detenzjoni kriminali fl-2019, li tiġbor flimkien f'post wieħed l-informazzjoni mill-2015 sal-2019 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE. L-FRA hija mistiedna taġġorna b'mod regolari din il-bażi ta' data sabiex tiżgura li l-informazzjoni pprovduta tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-QĠUE u, fil-perijodu medju, tivvaluta jekk il-bażi ta' data tissodisfax il-ħtiġijiet li jinqalgħu fil-prattika.

20.

Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex, meta taġġorna l-Manwal tal-MAE, tagħmel enfasi partikolari fuq l-għoti ta' gwida għall-prattikanti dwar kif għandhom jittrattaw il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, filwaqt li jittieħed kont tar-riżultati tad-disa' ċiklu li għaddej bħalissa ta' evalwazzjonijiet reċiproċi. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll ir-rakkomandabbiltà li jiġu żviluppati soluzzjonijiet prattiċi, bħal mudell għat-talba ta' informazzjoni supplimentari skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE.

Salvagwardja tad-dritt għal proċess ġust

21.

Id-dritt għal proċess ġust, kif stipulat fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, huwa ta' importanza kardinali bħala garanzija li ser jiġu protetti d-drittijiet kollha li l-individwi jgawdu mid-dritt tal-UE u li ser jiġu ssalvagwardjati l-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b'mod partikolari l-valur tal-istat tad-dritt (16).

22.

Il-Kunsill ifakkar lill-Istati Membri fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-UE u li jissalvagwardjaw id-dritt għal proċess ġust u, b'mod partikolari, l-aċċess għal tribunal indipendenti u imparzjali. L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet sabiex isaħħu l-fiduċja reċiproka u jevitaw ir-riskju ta' politiċizzazzjoni tal-kooperazzjoni f'materji kriminali. Il-Kunsill jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel użu mill-funzjoni tagħha bħala gwardjan tat-Trattati f'dan ir-rigward.

23.

Il-Kunsill jissottolinja l-importanza li l-prattikanti jingħataw l-appoġġ u l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-valutazzjoni f'żewġ stadji meħtieġa f'każijiet ta' riskju allegat ta' ksur tal-Artikolu 47(2) tal-Karta kif stabbilit mill-QĠUE (17). Il-prattikanti jrid ikollhom aċċess għal materjal oġġettiv, affidabbli, speċifiku u aġġornat kif xieraq, sabiex jivvalutaw, bħala l-ewwel pass, jekk hemmx riskju reali, b'rabta ma' nuqqas ta' indipendenza tal-qrati fl-Istat Membru emittenti minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati, li jinkiser id-dritt fundamentali għal proċess ġust. Għat-tieni stadju, il-prattikanti jridu jirċievu, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivvalutaw jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex jemmnu li l-persuna kkonċernata ser tkun f'tali riskju jekk din tiġi ċeduta, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni personali ta' dik il-persuna, kif ukoll tan-natura tar-reat u l-kuntest fattwali li jifforma l-bażi tal-MAE.

24.

Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex, meta taġġorna l-Manwal tal-MAE, tipprovdi gwida għall-prattikanti dwar kif għandhom jittrattaw każijiet ta' allegat riskju ta' ksur tal-Artikolu 47(2) tal-Karta u, f'konsultazzjoni mal-FRA, tikkunsidra modi kif jittejjeb l-aċċess tal-prattikanti għall-informazzjoni u għas-sorsi ta' informazzjoni li għalihom jistgħu jirreferu l-prattikanti, filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji stabbiliti mill-QĠUE.

Assigurazzjonijiet

25.

F'konformità mal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE u l-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-awtorità emittenti tista' titlob informazzjoni supplimentari u l-awtorità emittenti tista' tagħti assigurazzjonijiet li l-persuna kkonċernata, jekk tiġi ċeduta, mhijiex ser issofri ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha (18).

26.

Il-Kunsill jissottolinja li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, bil-ħsieb tal-fiduċja reċiproka li trid teżisti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri u li fuqha hija bbażata s-sistema ta' mandat ta' arrest Ewropew, trid tiddependi fuq dawk l-assigurazzjonijiet, għall-inqas fin-nuqqas ta' xi indikazzjoni speċifika għall-kuntrarju (19).

C.   L-indirizzar ta' ċerti aspetti tal-proċedura fl-Istat Membru emittenti u dak ta' eżekuzzjoni

Tisħiħ tad-drittijiet proċedurali fi proċedimenti tal-MAE

27.

Diġà sar progress konsiderevoli fir-rigward tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Bl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali (20) bħala parti mill-Programm ta' Stokkolma (21), ġew stabbiliti rekwiżiti minimi komuni għall-proċedimenti kriminali bid-Direttiva 2010/64/UE (dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni), id-Direttiva 2012/13/UE (dritt għall-informazzjoni), id-Direttiva 2013/48/UE (dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat), id-Direttiva (UE) 2016/343 (preżunzjoni tal-innoċenza, dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess), id-Direttiva (UE) 2016/800 (garanziji proċedurali għal tfal), u d-Direttiva (UE) 2016/1919 (għajnuna legali).

28.

Ir-rapporti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, ippubblikati fit-18 ta' Diċembru 2018 fir-rigward tad-Direttivi 2010/64/UE (22) u 2012/13/UE (23), u fis-27 ta' Settembru 2019 fir-rigward tad-Direttiva 2013/48/UE (24), juru ħtieġa ċara għal titjib fit-traspożizzjoni ta' dawn id-Direttivi. Il-Kunsill jappella lill-Istati Membri kkonċernati biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati fir-rapporti ta' implimentazzjoni u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttivi. Jenħtieġ li jiġi nnutat li l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur skont l-Artikolu 258 TFUE u, fejn meħtieġ, ser tkompli tibda tali proċedimenti fil-futur qarib.

29.

Il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li tiġi vvalutata l-effettività prattika tad-drittijiet proċedurali fi proċedimenti fl-Istati Membri emittenti u ta' eżekuzzjoni skont id-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE. Ir-rapport ippubblikat mill-FRA fis-27 ta' Settembru 2019 (''Drittijiet fil-prattika: aċċess għal servizzi ta' avukat u drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali u tal-MAE''), li jkopri s-sitwazzjoni fi tmien Stati Membri, huwa kontribut siewi f'dan ir-rigward. Il-Kunsill jistieden lill-FRA biex tikkunsidra l-possibbiltà li tkompli l-istudju, filwaqt li testendih għall-Istati Membri kollha u tagħmel enfasi speċjali fuq l-esperjenzi ta' avukati li jaġixxu fi proċedimenti ta' ċediment sal-2022.

Traduzzjonijiet

30.

Il-Kunsill ifakkar li MAE jrid jiġi tradott f'waħda mil-lingwi uffiċjali jew aċċettati tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni u jenfasizza li traduzzjoni adegwata hija essenzjali għall-funzjonament effettiv tal-proċeduri ta' ċediment tal-MAE.

31.

Il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw, fir-rigward tat-traduzzjoni tal-MAE, jekk jistgħux jagħmlu użu akbar minn kemm qed isir fil-preżent tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, li jaċċettaw traduzzjoni f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi ssimplifikata u aċċellerata l-proċedura.

Trasferiment ta' proċedimenti u konflitti ta' ġuriżdizzjoni

32.

Sabiex tiġi evitata l-impunità f'Ewropa mingħajr fruntieri, pereżempju meta tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta' MAE, meta jkun hemm konflitt ta' ġuriżdizzjoni, jew f'każ ta' proċedimenti paralleli f'żewġ Stati Membri jew aktar fir-rigward tal-istess fatti, tqum il-kwistjoni, fost oħrajn, ta' kif jistgħu jiġu ttrasferiti b'mod effettiv il-proċedimenti u kif jistgħu jiġu solvuti l-konflitti ta' ġuriżdizzjoni.

33.

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali (2009/948/JHA) (25) għandha l-għan li tipprevjeni proċedimenti paralleli fir-rigward tal-istess fatti u ksur tal-prinċipju ta' ''ne bis in idem'', iżda hija limitata għall-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' informazzjoni u konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Kif issottolinjat fir-Rapport dwar il-''Każijiet tal-Eurojust fil-qasam tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni'' tas-16 ta' Frar 2018, għad hemm diffikultajiet, b'mod partikolari f'każijiet kumplessi u dawk relatati ma' konflitti ta' ġuriżdizzjoni negattivi.

34.

Bħalissa m'hemm l-ebda qafas legali komuni għat-trasferiment ta' proċedimenti kriminali bejn l-Istati Membri. 13-il Stat Membru biss irratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminali tal-15 ta' Mejju 1972. L-Istati Membri l-oħra jserrħu fuq l-użu tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tal-20 ta' April 1959, flimkien mal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Mejju 2000, jew fuq ftehim bilaterali jew kooperazzjoni informali.

35.

Fil-passat, minkejja sforzi konsiderevoli, b'mod partikolari l-inizjattiva ta' 16-il Stat Membru għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar it-trasferiment ta' proċedimenti f'materji kriminali fl-2009 (26), ma seta' jintlaħaq l-ebda kunsens dwar strument tal-UE. Madankollu, kif enfasizzat fir-rapport tal-Eurojust tas-16 ta' Frar 2018 u l-konklużjonijiet dwar it-52 Laqgħa plenarja tan-NĠE fl-2019 (27), il-prattikanti jkomplu jiffaċċjaw sfidi legali u prattiċi b'riżultat ta' dan u għalhekk għandhom tendenza li jappoġġaw il-ħolqien ta' strument tal-UE.

36.

Regoli komuni bejn l-Istati Membri dwar it-trasferiment ta' proċedimenti u konflitti ta' ġuriżdizzjoni jistgħu, fil-prinċipju, ikunu kontribut importanti għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali billi jżidu l-effiċjenza tal-proċedimenti kriminali u jtejbu l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

37.

Fir-rapport tagħha ''It-triq 'il quddiem fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji kriminali'' (28), il-Presidenza Rumena ssuġġeriet aktar esplorazzjoni tal-ħtieġa li titnieda proposta leġiżlattiva dwar it-trasferiment ta' proċedimenti f'materji kriminali f'kuntest usa', inkluż il-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI dwar konflitti ta' eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni. Fid-dawl ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni ffinanzjat studju akkademiku dwar it-trasferiment ta' proċedimenti f'materji kriminali, li ser jiġi ffinalizzat fit-tieni nofs tal-2021.

38.

Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex, hekk kif ikun disponibbli l-eżitu tal-istudju, tiddiskuti mal-Istati Membri, l-Eurojust u n-NĠE jekk hijiex fattibbli proposta ġdida għal strument tal-UE dwar it-trasferiment ta' proċedimenti f'materji kriminali u jekk tippreżentax valur miżjud. Fl-affermattiv, il-Kummissjoni hija mistiedna tħejji valutazzjoni tal-impatt u, fejn adatt, proposta leġiżlattiva.

Promozzjoni ta' alternattivi għad-detenzjoni u l-użu ta' MAE

39.

Il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jesploraw l-opportunitajiet biex itejbu, fejn adatt, l-użu ta' sanzjonijiet u miżuri mingħajr detenzjoni, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati matul il-Presidenza Finlandiża rigward l-użu ta' sanzjonijiet u miżuri mingħajr detenzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali (29).

40.

Meta tikkunsidra l-konsegwenzi li l-eżekuzzjoni ta' MAE jkollha għal-libertà tal-persuna rikjesta, l-awtorità emittenti trid tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull każ, huwiex proporzjonat li jinħareġ MAE. Din il-valutazzjoni tinkludi, b'mod partikolari, il-kwistjoni ta' jekk il-MAE huwiex l-aktar strument adatt jew jekk minflok jistgħux jintużaw miżuri oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja (eż. ordnijiet ta' investigazzjoni Ewropea, ordnijiet ta' superviżjoni Ewropea, trasferiment ta' priġunieri).

41.

Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jekk hemmx ħtieġa li jissaħħaħ l-użu ta' miżuri oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, filwaqt li jittieħed kont tar-riżultati tad-disa' ċiklu li għaddej bħalissa ta' evalwazzjonijiet reċiproċi.

D.   It-trattament ta' talbiet biex ċittadini tal-UE jiġu estraditi lejn pajjiżi terzi

42.

Il-Kunsill ifakkar fl-iskambju dwar is-sitwazzjoni attwali rigward it-trattament ta' talbiet għall-estradizzjoni minn pajjiżi terzi li jikkonċernaw ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru rikjest fil-vidjokonferenza informali tal-ministri għall-ġustizzja tal-4 ta' Ġunju 2020.

43.

Wara s-sentenzi tal-QĠUE fil-kawża Petruhhin u diversi deċiżjonijiet sussegwenti (30), fit-trattament ta' tali talbiet l-Istati Membri huma ffaċċjati minn żewġ obbligi: minn naħa waħda, id-dmir li jissodisfaw l-obbligi eżistenti skont id-dritt internazzjonali u li jiġġieldu kontra r-riskju li r-reat ikkonċernat ma jiġix ikkastigat u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li ma jestradux iċ-ċittadini tagħhom huma obbligati, f'konformità mal-prinċipji tal-libertà ta' moviment u n-nondiskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, li jipproteġu ċ-ċittadini minn Stati Membri oħra bl-aktar mod effettiv possibbli minn miżuri li jistgħu jċaħduhom mid-drittijiet ta' moviment liberu u residenza fl-UE. F'dak ir-rigward, il-QĠUE ċċarat li l-Istat Membru rikjest irid jaċċerta jekk hemmx miżura alternattiva li tkun inqas ta' preġudizzju għall-eżerċitar tad-drittijiet ta' moviment liberu u li tkun effettiva b'mod indaqs fil-kisba tal-objettiv tal-prevenzjoni tal-impunità (31). Dan jinkludi li jiġi infurmat l-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadina u, jekk dak l-Istat Membru jitlob dan, iċedi l-persuna rikjesta lil dak l-Istat Membru b'applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-MAE, dment li l-imsemmi Stat Membru jkollu l-ġuriżdizzjoni li jipproċedi kontra dik il-persuna għal reati mwettqa barra mit-territorju nazzjonali (32).

44.

Saret ħidma konsiderevoli biex jingħata għarfien dwar l-applikazzjoni prattika tal-prinċipji Petruhhin mill-Istati Membri (33). Madankollu, il-ġuriżprudenza eżistenti ma tipprovdix soluzzjoni meta l-Istat Membru ta' ċittadinanza ma jistax joħroġ MAE fir-rigward tal-persuna rikjesta.

45.

Il-Kunsill jilqa' l-fatt li l-Eurojust u n-NĠE wettqu analiżi utli ħafna ta' kif jiġu ttrattati fil-prattika talbiet għall-estradizzjoni ta' ċittadini tal-Unjoni minn pajjiżi terzi. Il-Kunsill ser jiddiskuti r-riżultati ta' din l-analiżi fi żmien raġonevoli u jiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta' jekk għandhiex tittieħed xi azzjoni ta' segwitu u, jekk ikun il-każ, f'liema forma.

46.

L-esperjenza prattika ta' Stati Membri differenti turi li hemm każijiet fejn talbiet bla bażi u abbużivi għall-estradizzjoni jiġu ppreżentati minn pajjiżi terzi. Il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħtieġa, fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi mħejjija mill-Eurojust u n-NĠE, ta' aktar azzjoni, bħal suġġeriment għal approċċ komuni fit-trattament ta' talbiet ta' tfittxija u estradizzjoni potenzjalment abużivi minn pajjiżi terzi, inkluż dawk li jkunu politikament motivati. F'dan il-kuntest, għandhom jitqiesu l-aħjar prattiki tal-Istati Membri.

E.   It-tisħiħ tal-proċeduri ta' ċediment tal-MAE fi żminijiet ta' kriżi

47.

Sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-COVID-19, l-Istati Membri ħadu diversi miżuri, bħall-għeluq tal-fruntieri, is-sospensjoni tat-traffiku tal-ajru u l-impożizzjoni ta' regoli stretti dwar il-kuntatt u t-tbegħid soċjali. Dan kellu wkoll impatt sinifikanti fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, b'mod partikolari fuq il-proċeduri ta' ċediment skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-MAE.

48.

Il-Kunsill jissottolinja li l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fi żminijiet ta' kriżi huwa ta' importanza kbira għall-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-COVID-19 enfasizzat l-importanza tal-iskambju koordinat u rapidu ta' informazzjoni u esperjenza, u l-ħtieġa li tiġi diġitalizzata aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

49.

Fir-rigward tal-iskambju meħtieġ ta' informazzjoni u esperjenza fi żminijiet ta' kriżi, approċċ koordinat mill-atturi kollha involuti huwa vitali sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' ħidma u jiġu ssimplifikati l-ġbir u d-distribuzzjoni ta' informazzjoni. L-użu ta' kwestjonarji wera li huwa strument siewi għall-ġbir ta' informazzjoni, u l-kumpilazzjoni aġġornata b'mod regolari mill-Eurojust u n-NĠE, li tikkombina informazzjoni li waslet għand l-Eurojust, in-NĠE u l-Presidenza/s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, uriet li hija għodda siewja għall-iskambju koordinat ta' informazzjoni u ta' assistenza kbira għall-prattikanti. Fil-futur, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' pjattaforma elettronika li fiha, fi żminijiet ta' kriżi, informazzjoni utli tista' tiġi kkonsultata u aġġornata kuljum.

50.

Il-Kunsill jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni taqdi rwol ċentrali. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet b'mod ċar il-ħtieġa għad-diġitalizzazzjoni fil-pront u komprensiva tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali, kif enfasizzata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill "Aċċess għall-ġustizzja – nisfruttaw l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni", li ġew maqbula taħt il-Presidenza Ġermaniża (34). F'bosta każijiet, kwistjonijiet prattiċi jistgħu jingħelbu permezz ta' soluzzjonijiet diġitali.

51.

Il-Kunsill jilqa' r-rapport finali tal-Kummissjoni dwar l-istudju dwar ''Il-Ġustizzja Kriminali Diġitali Transkonfinali'', ippubblikat fl-14 ta' Settembru 2020. Il-miżuri adottati bħala segwitu għal dan l-istudju jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lill-aspetti li ġejjin: il-ħolqien ta' kanali ta' komunikazzjoni elettronika sikuri bejn l-awtoritajiet kompetenti, approċċ armonizzat għar-rikonoxximent u l-użu ta' firem elettroniċi, jew għall-inqas użu aktar flessibbli tas-sistemi eżistenti, il-ħolqien ta' mezz sikur għat-trażmissjoni ta' fajls kbar u allinjament aħjar ta' sistemi tal-vidjokonferenzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u l-interoperabbiltà teknika tagħhom.

(1)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(2)  ĠU C 449, 13.12.2018, p. 6.

(3)  9728/19.

(4)  COM(2020) 270 final.

(5)  Id-disa' ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi dwar l-istrumenti legali fil-qasam taċ-ċaħda jew ir-restrizzjoni tal-libertà, ara d-dokument 6333/19 għall-ambitu tal-evalwazzjoni.

(6)  Abbozz ta' rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (2019/2207(INI)), 4 ta' Settembru 2020; EPRS, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew, PE 642.839, Ġunju 2020.

(7)  Ara n-nota tal-Presidenza 11419/20.

(8)  Ara r-rapport finali 8302/4/09 REV 4 u 6333/19.

(9)  COM(2006)8 final, COM(2007)407 final, COM(2011)175 final, COM(2020)270 final.

(10)  ĠU C 335, 6.10.2017, p. 1.

(11)  QĠUE, 5 ta' April 2016, C-404/15, Aranyosi u Caldararu; QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-220/18 PPU; QĠUE, 15 ta' Ottubru 2019, C-128/18, Dorobantu.

(12)  QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-216/18 PPU, LM. Ara l-proċedimenti pendenti fil-kawżi konġunti C-354/20 PPU u C-412/20 PPU (Openbaar Ministerie u oħrajn).

(13)  QĠUE, 5 ta' April 2016, C-404/15, Aranyosi u Caldararu, il-paragrafi 85, 87.

(14)  Rakkomandazzjoni Rec(2006)2 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet.

(15)  QĠUE, 5 ta' April 2016, C-404/15, Aranyosi u Caldararu; QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-220/18 PPU, il-paragrafi 88-94; QĠUE, 15 ta' Ottubru 2019, C-128/18, Dorobantu, il-paragrafi 52-55.

(16)  QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-216/18 PPU, LM, il-paragrafu 48.

(17)  QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-216/18 PPU, LM, il-paragrafi 61, 68, 79.

(18)  QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-220/18 PPU, LM, il-paragrafi 108-110.

(19)  QĠUE, 25 ta' Lulju 2018, C-220/18 PPU, LM, il-paragrafu 112.

(20)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1).

(21)  Il-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1).

(22)  COM(2018) 857 final.

(23)  COM(2018) 858 final.

(24)  COM(2019) 560 final.

(25)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.

(26)  ĠU C 219, 12.9.2009, p. 7.

(27)  14501/19.

(28)  9728/19.

(29)  ĠU C 422, 16.12.2019, p. 9.

(30)  QĠUE, 6 ta' Settembru 2016, C-182/15, Petruhhin; QĠUE, 10 ta' April 2018, C-191/16, Pisciotti; QĠUE, 13 ta' Novembru 2018, C-247/17, Raugevicius; QĠUE, 2 ta' April 2020, C-897/19 PPU, Ruska Federacija; ara l-kawża pendenti C-398/19, Generalstaatsanwaltschaft Berlin.

(31)  QĠUE, 6 ta' Settembru 2016, C-182/15, Petruhhin, il-paragrafi 41, 47-50.

(32)  QĠUE, 6 ta' Settembru 2016, C-182/15, Petruhhin, il-paragrafi 41, 47-50.

(33)  Ara d-dokumenti tal-Kunsill 10429/17, 15786/17 u 15207/17.

(34)  ĠU C 342 I , 14.10.2020, p. 1.


 

Dan id-dokument ma japplikax għall-Malti.


Il-Kummissjoni Ewropea

4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/31


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-3 ta' Diċembru 2020

(2020/C 419/10)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2151

JPY

Yen Ġappuniż

126,49

DKK

Krona Daniża

7,4439

GBP

Lira Sterlina

0,90358

SEK

Krona Żvediża

10,3025

CHF

Frank Żvizzeru

1,0831

ISK

Krona Iżlandiża

153,00

NOK

Krona Norveġiża

10,7070

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,420

HUF

Forint Ungeriż

357,63

PLN

Zloty Pollakk

4,4733

RON

Leu Rumen

4,8730

TRY

Lira Turka

9,5021

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6361

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5692

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,4188

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7175

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6228

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 325,91

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

18,5475

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9567

HRK

Kuna Kroata

7,5470

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 181,51

MYR

Ringgit Malażjan

4,9453

PHP

Peso Filippin

58,299

RUB

Rouble Russu

90,8441

THB

Baht Tajlandiż

36,660

BRL

Real Brażiljan

6,3037

MXN

Peso Messikan

24,1384

INR

Rupi Indjan

89,7090


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/32


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji dwar l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2020/C 419/11)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l- Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma l-oġġett ta’ sussidji , u b’hekk qed ikunu ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fil-21 ta’ Ottubru 2020 minn sitt produtturi tal-Unjoni (“l-ilmentaturi”), li jirrapprżentaw aktar minn 50 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni.

Verżjoni pubblika tal-ilment u analiżi ta’ kemm l-ilment ġie appoġġat mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni ta’ ħxuna ta’ inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief rrumblat, f’rombli ta’ piż li jaqbeż l-10 kg (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 0,008 mm u ta’ mhux aktar minn 0,018 mm, bla rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli mhux usa’ minn 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg.

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas 0,007 mm iżda anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, f’rombli usa’ minn 650 mm, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux aktar 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Allegazzjoni ta’ sussidjar

Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ sussidji huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċijiet TARIC 7607111960 u 7606111991).

L-ilment jinkludi biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, (1) fi trasferimenti diretti u dawk potenzjalment diretti ta’ fondi jew ta’ obbligazzjonijiet, (2) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, u (3) forniment ta’ prodotti jew servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni mhux adegwata. L-ilment kien fih evidenza, pereżempju, ta’ diversi għotjiet, għoti ta’ self u linji ta’ kreditu pprovduti minn banek tal-Istat u istituzzjonijiet finanzjarji oħra b’termini preferenzjali, u l-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni minn banek tal-Istat u istituzzjonijiet finanzjarji oħra; tnaqqis u eżenzjonijiet tat-taxxa fuq l-introjtu, roħs tat-tariffa tal-importazzjoni u eżenzjonijiet u roħs tal-VAT; u l-provvista ta’ oġġetti mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata.

L-ilmentaturi jallegaw li l-miżuri ta' hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi l-entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn huma allegatament limitati għal ċerti impriżi jew industriji jew grupp ta’ impriżi u, għaldaqstant, huma speċifiċi u kumpensabbli. Fuq din il-bażi, l-ammonti ta’ sussidju allegat huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha dwar ir-RPĊ u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji oħra ta’ rilevanza li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.

4.   Allegazzjonijiet ta’ dannu u ta’ rabta ta’ kawżalità

L-ilmentaturi pprovdew evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu kumplessivament f’termini assoluti.

L-evidenza li pprovdew l-ilmentaturi turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott investigat importat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-ilmentaturi jipprovdu evidenza li hemm kapaċità suffiċjenti liberament disponibbli fil-RPĊ, li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet.

Huwa allegat ukoll li l-fluss tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ sussidji x’aktarx se jkompli jiżdied b’mod sostanzjali minħabba l-impożizzjoni riċenti ta’ tariffi u miżuri kontra l-prodott investigat fi swieq terzi, bħall-Istati Uniti, it-Turkija, l-Indja, il-Messiku u l-Indoneżja. Dan jindika possibbilià ta’ ridirezzjoni ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li twassal għal żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet sussidjati. L-ilmentaturi jallegaw li dawn il-bidliet fiċ-ċirkostanzi huma b’mod ċar mistennija u imminenti.

L-ilmentaturi jallegaw ukoll li ż-żieda ta’ importazzjonijiet inġusti hija l-kawża ewlenija ta’ dannu u li ma hemmx fatturi oħra li jidhru li jimmitigaw ir-rabta kawżali.

Il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livelli ta’ prezzijiet mitluba, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Il-Kummissjoni, wara li stabbiliet u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, qed tibda b’dan investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk l-importazzjonijiet issussidjati kinux ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat ġie mistieden għal konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) (4), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, daħħal għadd ta’ bidliet fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li qabel kienu japplikaw fi proċedimenti antisussidji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha bżonn tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji tliet (3) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jirrispettaw il-passi proċedurali u l-iskadenzi pprovduti f’din in-Notifika kif ukoll f’komunikazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġiet ippubblikata Notifika (5) dwar il-konsegwenzi potenzjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tas-sussidjar u d-dannu tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dannu u mar-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar

Il-produtturi esportaturi (6) tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Partijiet oħra li l-Kummissjoni se tfittex informazzjoni rilevanti mingħandhom biex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli konferiti lill-prodott li qed jiġi investigat huma wkoll mistiedna li kemm jista’ jkun possibbli jikkooperaw mal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

(a)   Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/b4e93881-94c5-6b55-1a58-907cc74e7173 . L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ , u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-produtturi magħżula għall-kampjun, ta’ kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi, u tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2501. Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kull assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa, u għall-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qegħdin jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun”).

(b)   Ammont individwali ta’ sussidjar kompensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont individwali ta’ sussidjar kompensatorju tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal ammont ta’ sussidjar kompensatorju individwali jridu jlestu l-kwestjonarju u jirritornawh komplut kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2501.

Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu ammont ta’ sussidjar kompensatorju individwali, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabilixxix l-ammont ta’ sussidjar kompensatorju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex parti mill-kampjun, tant ikun kbir, li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

5.3.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (7) (8)

L-importaturi mhux relatati, li jimpurtaw il-prodott li qed jiġi investigat mir-RPĊ lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness II ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2501.

5.4.    Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

L-istabbiliment tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni tinnotifika lill-produtturi kollha magħrufa tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa bil-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu għall-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2501.

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidjar u ta’ dannu kkawżat minħabba fih, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antisussidji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ta’ test liberu jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq il-website tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2501. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2 u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex tikseb aċċess.

5.7.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju proviżorju, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tal-iżvelar proviżorju jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-iżvelar jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju definittiv, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tal-iżvelar finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar l-iżvelar finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex jiġu pprovduti kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni b’informazzjoni u/jew b’data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive (9)” (Sensittivi). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni li tkun “Sensittiva” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jipprovdu jkun indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

E-mail:

Għal kwistjonijiet ta’ sussidju:

TRADE-AS675-ACF-SUBSIDY@ec.europa.eu

Għal kwistjonijiet marbutin ma’ dannu u mal-interessi tal-Unjoni:

TRADE-AS675-ACF-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni għandha, kull meta jkun possibbli, tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont l-Artikolu 29a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bil-miktub fi żmien erba’ (4) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati, tliet (4) ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza, jiġu infurmati bil-miktub li mhux se jiġu imposti dazji, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku.

Fil-prinċipju, il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika biss. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar proviżorju jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju proviżorju. Lil hinn minn tali skadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida diment li tali partijiet ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u diment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà li jsiru kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien deskritta huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

L-estensjonijiet għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw fuq talba ta’ partijiet interessati li juru raġuni xierqa.

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat (7) ijiem.

Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nonkoperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konklużjonijiet ikunu għalhekk ibbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkoperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għal theddida ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stabbilit fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(5)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji, ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.

(6)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(7)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi li huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċhttps://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2501. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi stabbilit id-dannu.

(9)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens (il-Ftehim SCM). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-SUSSIDJU DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ FOIL TAL-ALUMINJU GĦALL-MODIFIKAZZJONI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu.

Kemm il-verżjoni “Sensittiva” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati” jridu jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stabbilit fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz elettroniku

 

Numru tat-telefon

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR), kif ukoll il-valur u l-piż tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni (miċ-Ċina mill-oriġinijiet kollha) u l-piż u l-valur tal-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) tal-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni kif definit fin-Notifika ta’ Bidu.

 

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

L-importazzjonijiet tal-prodott investigat fl-Unjoni (minn kullimkien)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija tiegħek u l-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u speċifika r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u / jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u / jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

 

Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tikkunsidra li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi t-tagħrif ta’ hawn fuq, il-kumpanija tiegħek tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tiegħek tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssir żjara fuq il-post tal-kumpanija sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tiegħek tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/44


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10058Porsche/Transnet/JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/12)

1.   

Fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Dr. Ing. h.c. F. Porsche Aktiengesellschaft (“Porsche”, il-Ġermanja).

TransnetBW GmbH (“Transnet”, il-Ġermanja),

Porsche (permezz tas-sussidjarja tagħha MHP) u Transnet għandhom l-intenzjoni li jakkwistaw kontroll konġunt skont it-tifsira tal-Artikoli 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament tal-UE dwar il-Kontroll tal-Għaqdiet fuq kumpanija li għad trid tiġi stabbilita, jiġifieri kumpanija ta’ impriża konġunta (“JVC”).

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għall-Porsche: sussidjarja posseduta kollha, ikkontrollata indirettament, ta’ Volkswagen Aktiengesellschaft (“VWAG”), attiva madwar id-dinja fl-iżvilupp, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ karozzi tal-passiġġieri, vetturi kummerċjali ħfief, trakkijiet, karozzi tal-linja, kowċijiet, xażi għax-xarabanks u magni diżil, roti bil-mutur, kull waħda inklużi spare parts, u aċċessorji. Il-Grupp VW jinvolvi ruħu wkoll fid-distribuzzjoni tal-vetturi.

għal Transnet: operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bil-kwartieri ġenerali tiegħu fi Stuttgart, il-Ġermanja. Transnet topera parti kbira mis-sistema ta’ trażmissjoni f’Baden-Wuertemberg. Transnet hija sussidjarja kollha kemm hi proprjetà ta’ EnBW Energie Baden-Württemberg AG (“EnBW”), kumpanija integrata tal-provvista tal-enerġija bbażata fil-Ġermanja.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10058 – Porsche / Transnet / JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-posta elettronika, bil-faks jew bil-posta. Int mitlub tuża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Posta elettronika: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 122964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/46


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-każ M.10065 — Advent/Nielsen Global Connect)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/13)

1.   

Fis-26 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Advent International Corporation (“Advent”, l-Istati Uniti tal-Amerika);

Nielsen Global Connect (ir-Renju Unit), proprjetà ta’ Nielsen Holdings Plc (ir-Renju Unit).

Advent takkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku ta’ Nielsen Global Connect kollha kemm hi. Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Advent: investitur ta’ ekwità privata globali b’parteċipazzjonijiet f’ħames setturi ewlenin, jiġifieri n-negozju u s-servizzi finanzjarji, il-kura tas-saħħa, l-industrija, il-konsumaturi bl-imnut u d-divertiment, u t-teknoloġija.

għal Nielsen Global Connect: servizzi ta’ riċerka tas-suq, li jikkonsistu f’data dwar il-kejl tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-konsumatur, informazzjoni dwar l-imġiba tal-konsumatur u analitika.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10065 — Advent/Nielsen Global Connect

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-posta elettronika, bil-faks jew bil-posta. Int mitlub tuża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Posta elettronika: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 122964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/47


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Każ M.9993 — Allianz/Noble)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/14)

1.   

Fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Allianz SE (“Allianz”), li tappartjeni għall-Allianz Group (“Allianz Group”), it-tnejn li huma tal-Ġermanja,

Noble plc (“Noble”, ir-Renju Unit).

L-Allianz takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kontroll tan-Noble kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni titwettaq permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għall-Allianz: tipprovdi servizzi finanzjarji madwar id-dinja, b’mod predominanti fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja u l-ġestjoni tal-assi,

għan-Noble: tipprovdi servizzi ta’ tħaffir b’kuntratt lill-industrija internazzjonali taż-żejt u l-gass bi flotta globali ta’ unitajiet mobbli tat-tħaffir fuq il-baħar.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9993 — Allianz/Noble

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-posta elettronika, bil-faks jew bil-posta. Int mitlub tuża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Posta elettronika: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/48


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10092 — Accel-KKR Capital Partners/OMERS Private Equity/KCS)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/15)

1.   

Fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Accel-KKR Capital Partners (“AKKR”, l-Istati Uniti tal-Amerka);

OCP Investment Corporation u OMERS Administration Corporation (flimkien “OMERS”, il-Kanada), parti mill-OMERS Group;

Kerridge Commercial Systems (“KCS”, ir-Renju Unit), bħalissa kkontrollata minn AKKR.

AKKR u OMERS jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ KCS. Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

AKKR: ditta ta’ ekwità privata ffukata fuq it-teknoloġija li tinvesti f’software u teknoloġija tas-suq medju, u li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet kapitali inkluż kapital ta’ akkwiżizzjoni, investimenti ta’ tkabbir minoritarju, u alternattivi ta’ kreditu;

OMERS: fond tal-pensjoni li jipprovdi benefiċċji tal-irtirar għall-membri tiegħu madwar Ontario. OMERS tamministra wkoll portafoll globali u ddiversifikat ta’ stokks u bonds kif ukoll proprjetajiet immobbli, investimenti fl-infrastruttura u fl-ekwità privata;

KCS: fornitur ta’ software għall-ippjanar tar-riżorsi tal-intrapriżi primarjament għall-bini ta’ prodotti, partijiet tal-karozzi u distributuri industrijali. KCS tipprovdi soluzzjonijiet biex: (i) ikunu ġestiti b’mod preċiż u effiċjenti t-timijiet tal-bejgħ; (ii) ikunu ġestiti u jkunu miżmuma l-aħjar livelli tal-istokks; (iii) ikunu kkontrollati l-inventarju tal-kontroll, il-bejgħ u x-xiri; (iv) ikunu ġestiti l-kontijiet tan-negozji; (v) tkun interpretata b’mod viżiv il-prestazzjoni tal-bejgħ; u (vi) ikunu appoġġati l-għanijiet tas-servizzi tal-klijenti online.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10092 — Accel-KKR Capital Partners/OMERS Private Equity/KCS

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permez tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


4.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/49


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10035 — Burnam Parties/Kroenke Parties/SMG/Cascade Investment/StorageMart)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 419/16)

1.   

Fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

StorageMart Partners, LLC u l-affiljati tagħha (“Burnam Parties”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

E.Stanley Kroenke u entitajiet affiljati (“il-Kroenke Parties”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

SMG StorCo, LLC (“SMG”, l-Istati Uniti tal-Amerka) ikkontrollata indirettament minn GIC Realty (Singapore),

Cascade Investment L.L.C. (“Cascade Investment”, l-Istati Unitit tal-Amerka),

SMARTCo Properties, L.P. (“StorageMart”, l-Istati Uniti tal-Amerka).

Burnam Parties, il-Kroenke Parties, SMG u Cascade Investment jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ StorageMart kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

StorageMart: katina ta’ faċilitajiet ta’ awtoħażna li joperaw madwar l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u r-Renju Unit. StorageMart għandha 220 faċilità madwar id-dinja, inklużi 16-il faċilità li jinsabu fir-Renju Unit. Dawn il-faċilitajiet ta’ awtoħażna jinsabu f’Buckinghamshire, Essex, Kent, Norfolk, Suffolk, Surrey, East Sussex u West Sussex,

Burnam Parties: magħmula minn StorageMart Partners, L.L.C, u l-affiljati tagħha, li minnhom Cris Burnam iservi bħala Uffiċjal Kap Eżekuttiv fi StorageMart u Mike Burnam bħala President ta’ StorageMart. Burnam Parties bħalissa jikkontrollaw bi sħab il-Kumpanija fil-Mira u huma, permezz tal-Kumpanija fil-Mira, primarjament attivi fl-Istati Uniti tal-Amerka fl-industrija tal-awtoħażna,

Kroenke Parties: jinkludu entitajiet affiljati ma’ E. Stanley Kroenke, individwu privat residenti fl-Istati Uniti tal-Amerika li jikkontrolla portafoll internazzjonali ta’ investimenti, primarjament attiv fis-setturi tal-isport u tal-proprjetà immobbli. Kroenke Parties huma proprjetarji ta’ interess kontrollanti fil-PreTranżazzjoni fil-Mira u huma primarjament attivi fl-Istati Uniti tal-Amerika,

SMG: sussidjarja indiretta proprjetà kollha kemm hi ta’ GIC Realty, kumpanija b’responsabbiltà limitata inkorporata skont il-liġijiet ta’ Singapore. GIC Realty hija l-kumpanija azzjonarja għal investimenti fil-proprjetà immobbli magħmula għan-nom tal-Gvern ta’ Singapore,

Cascade Investment: entità ta’ investiment privat b’portafoll ta’ investiment globali li hija primarjament attiva fl-Amerka ta’ Fuq. Hija kumpanija b’responsabbiltà limitata li l-uniku membru tagħha huwa William H. Gates III.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10035 — Burnam Parties/Kroenke Parties/SMG/Cascade Investment/StorageMart

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussels

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.