ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 361A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
27 ta' Ottubru 2020


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

2020/C 361 A/01

Avviż ta’ post vakanti — Direttur Amministrattiv (UPPE/AD/2020/004)

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

27.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 361/1


Avviż ta’ post vakanti

Direttur Amministrattiv

(UPPE/AD/2020/004)

(2020/C 361 A/01)

Tip u tul ta’ żmien tal-kuntratt:

Aġent Temporanju, 4 (erba’) snin bil-possibbiltà ta’ estensjoni

Grupp ta’ funzjonijiet u grad:

AD 14

Salarju bażiku fix-xahar:

EUR 14 837,60 fi stadju 1 u, fejn applikabbli, diversi allowances (1)

Post tal-impjieg:

Il-Lussemburgu

Skadenza għall-applikazzjonijiet:

L-24 ta’ Novembru 2020 f’23:59 (CET)

1.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) huwa servizz indipendenti tal-prosekuzzjoni Ewropea responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali dwar reati li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni, inklużi l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-frodi transfruntiera serja tal-VAT. Ir-Regolament li jistabbilixxi l-UPPE taħt kooperazzjoni msaħħa (2) daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017.

L-UPPE joffri karrieri ta’ sfida u ta’ sodisfazzjon lil persuni entużjasti, motivati u b’ħiliet għolja li jixtiequ jaħdmu f’ambjent internazzjonali u jikkontribwixxu għall-viżjoni ta’ din l-organizzazzjoni l-ġdida.

Is-sede tal-UPPE tinsab fil-Lussemburgu.

2.   Responsabbiltajiet ewlenin

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) qed ifittex kandidati xierqa għall-pożizzjoni ta’ Direttur Amministrattiv b’esperjenza professjonali ppruvata fl-għoti ta’ appoġġ amministrattiv ta’ kwalità għolja lil organizzazzjonijiet kbar. Id-Direttur Amministrattiv jinħatar mill-Kulleġġ tal-UPPE minn lista ta’ kandidati magħżula proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew.

Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-UPPE għal finijiet amministrattivi u baġitarji u jimplimenta l-baġit tal-UPPE.

Id-Direttur Amministrattiv għandha tkun persuna indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietha u la għandha tfittex u lanqas tieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi korp ieħor.

Id-dmirijiet tad-Direttur Amministrattiv se jinkludu, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

a)

l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-UPPE u l-ġestjoni tal-persunal;

b)

l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kap Prosekutur Ewropew jew mill-Kulleġġ;

c)

it-tħejjija ta’ proposta għad-dokument ta’ programmazzjoni annwali u pluriennali u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;

d)

l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni annwali u pluriennali u r-rappurtar lill-Kulleġġ dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

e)

it-tħejjija tal-partijiet amministrattivi u baġitarji tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-UPPE;

f)

it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni li jagħti segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar, evalwazzjonijiet u investigazzjonijiet interni jew esterni, inklużi dawk tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-OLAF u r-rappurtar lilhom u lill-Kulleġġ darbtejn fis-sena;

g)

it-tħejjija ta’ strateġija interna kontra l-frodi għall-UPPE u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kulleġġ għall-approvazzjoni;

h)

it-tħejjija ta’ proposta għall-abbozz tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-UPPE, u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;

i)

it-tħejjija ta’ proposta għall-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-UPPE, u l-preżentazzjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;

j)

l-għoti ta’ appoġġ amministrattiv meħtieġ biex tiġi ffaċilitata l-ħidma operazzjonali tal-UPPE;

k)

l-għoti ta’ appoġġ lill-Kap Prosekutur Ewropew u l-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

3.   Rekwiżiti

3.1.    Kriterji ta’ eliġibbiltà

Biex jiġu kkunsidrati eliġibbli, il-kandidati jridu jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha li ġejjin sad-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet:

Din il-persuna jkollha livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, u, wara li tkun kisbet id-diploma, mill-inqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali xierqa, jew

Għandu jkollha livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma ta’ mill-inqas tliet snin, u wara li tkun kisbet id-diploma, mill-inqas 16-il sena ta’ esperjenza professjonali xierqa.

Barra minn hekk, il-kandidat(a) għandu/għandha j/tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin, sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet:

Huwa/hija ċittadin/a ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u jgawdi/tgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu/tagħha bħala ċittadin;

Huwa/hija j/tkun wettaq/wettqet kwalunkwe obbligi imposti fuqu/fuqha mil-liġijiet li jikkonċernaw is-servizz militari;

Huwa/hija j/tippreżenta r-referenzi għall-karattru adegwati dwar l-idoneità tiegħu/tagħha għall-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħu/tagħha (3);

Il-persuna trid tkun fiżikament b'saħħitha biex twettaq id-dmirijiet tagħha (4);

Il-persuna trid tipproduċi evidenza ta' għarfien komplut ta' waħda mil-lingwi tal-Unjoni u ta' għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex twettaq id-dmirijiet tagħha.

3.2.    Kriterji tal-għażla

L-applikazzjonijiet se jiġu vvalutati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kandidati fil-Formola tal-Applikazzjoni skont il-kriterji li ġejjin:

Essenzjali

Mill-inqas għaxar (10) snin esperjenza professjonali rilevanti għad-dmirijiet tad-Direttur Amministrattiv imsemmija taħt “Responsabbiltajiet ewlenin”;

Mill-inqas ħames (5) snin esperjenza u suċċess ippruvat f’pożizzjoni maniġerjali f’organizzazzjonijiet ta’ daqs komparabbli mal-UPPE (indika fl-applikazzjoni tiegħek l-għadd ta’ persunal li mexxejt u l-ammont ta’ baġit);

Esperjenza professjonali li turi għarfien sod tar-Regolamenti tal-Persunal u Finanzjarji tal-UE;

Għarfien eċċellenti kemm tal-Ingliż miktub kif ukoll mitkellem mill-inqas fil-livell C1 (5).

Ta’ vantaġġ

Esperjenza ppruvata fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ ħidma, pjanijiet ta’ ħidma u/jew dokumenti strateġiċi u operazzjonali oħra għal organizzazzjoni;

Esperjenza maniġerjali f’istituzzjoni jew korp li jeżerċitaw setgħa imponenti (preferibbilment fil-ġustizzja, fil-pulizija jew fil-militar);

Esperjenza maniġerjali f’organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali;

Fluwenza fil-Franċiż, mill-inqas fil-livell B25.

Kompetenzi interpersonali

Standards etiċi għoljin u integrità personali;

Ħiliet ta’ tmexxija b’ saħħithom;

Ħsieb analitiku u strateġiku;

Ħiliet eċċellenti organizzattivi;

Ħiliet eċċellenti fis-soluzzjoni tal-problemi u kapaċità ta’ improvizzazzjoni;

Ħiliet eċċellenti ta' negozjar;

Ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, bil-fomm u bil-miktub;

Intelliġenza soċjali;

Ħila li j/taħdem f’ambjent multikulturali;

Ħila li j/tibqa’ kalm(a) f’ċirkostanzi stressanti.

4.   Proċedura tal-applikazzjoni

Il-kandidat/id-detentur tal-impjieg irid jew ikun detentur ta’ approvazzjoni tas-sigurtà valida sal-livell ta’ “SECRET UE/EU SECRET” jew ikun lest li jgħaddi mill-proċedura ta’ skrutinju tas-sigurtà nazzjonali (sabiex jitħalla jwettaq xogħlu).

Il-kandidati huma meħtieġa jivverifikaw bir-reqqa qabel ma jippreżentaw applikazzjoni jekk jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi meħtieġa ta’ diplomi u esperjenza professjonali kif ukoll il-kapaċità lingwistika tagħhom.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess, il-kandidati huma mistiedna japplikaw bl-Ingliż.

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-kandidati għandhom:

Jużaw u jimlew kif xieraq il-Formola ta’ Applikazzjoni tal-UPPE, li tista’ tinstab fuq is-sit web tad-DĠ JUST https://ec.europa.eu/info/files/eppo-application-form-word_en;

Jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom (preferibbilment f’format PDF), permezz tal-posta elettronika biss lil EPPO-Recruitment-AD@eppo.europa.eu sal-iskadenza;

Is-suġġett tal-email għandu jinkludi r-referenza ta’ dan il-post battal, segwit mill-kunjom tal-kandidat;

Il-Formola tal-Applikazzjoni trid tiġi ssejvjata kif ġej: SURNAME_Name_Reference number.

Applikazzjonijiet mhux kompluti jew applikazzjonijiet mibgħuta mingħajr l-użu tal-Formola ta’ Applikazzjoni tal-UPPE jiġu skwalifikati u ttrattati bħala mhux eliġibbli.

Il-kandidati li jużaw l-istess applikazzjoni biex japplikaw għal aktar minn pożizzjoni waħda se jiġu skwalifikati wkoll.

Kun żgur li l-Formola tal-Applikazzjoni tiegħek tkun tista’ tinqara, peress li mhi se ssir l-ebda komunikazzjoni oħra.

Ix-xogħol part-time se jitqies fi proporzjon mal-perċentwal ta’ sigħat full-time maħduma; għalhekk, il-kandidati huma mitluba jindikaw il-perċentwal ta’ impjieg part-time.

Il-PhDs jistgħu jitqiesu bħala esperjenza professjonali jekk il-kandidati jkunu rċevew għotja għall-istudju jew salarju waqt l-istudji tal-PhD. It-tul massimu li jgħodd għall-PhD huwa ta’ tliet snin diment li l-PhD tkun ġiet konkluża b’suċċess sad-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet tal-proċedura tal-għażla.

Id-dokumenti ta’ sostenn (eż. kopji awtentikati ta’ lawrei/diplomi, ta’ referenzi, ta’ prova ta’ esperjenza, eċċ.) ma għandhomx jintbagħtu f’dan l-istadju iżda jridu jiġu ppreżentati aktar ’il quddiem fil-proċedura.

Minħabba l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet li waslu f’kull proċedura tal-għażla, se jiġu kkuntattjati biss il-kandidati li jkunu fil-lista preliminari.

5.   Data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet

Id-data tal-għeluq tal-applikazzjoni hija l-24 ta’ Novembru 2020, 23: 59 (CET) (iċċekkja ż-żoni tal-ħin).

L-UPPE mhux se jikkunsidra ebda applikazzjoni mibgħuta wara l-iskadenza. L-applikanti huma mħeġġa sabiex ma jistennewx sal-aħħar ġurnata biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, minħabba li ħafna traffiku tal-internet jew ħsarat fil-konnessjoni tal-internet jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fis-sottomissjoni. L-UPPE ma jistax jinżamm responsabbli għal kwalunkwe dewmien minħabba diffikultajiet bħal dawn.

6.   Proċedura tal-għażla

Il-Kap Prosekutur Ewropew, assistit minn bord, se jivvaluta l-applikazzjonijiet tal-kandidati skont il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla u jistieden lill-aktar kandidati xierqa għal eżami bil-miktub u intervista. Abbażi tal-intervisti u r-riżultati tal-eżamijiet bil-miktub, il-Kap Prosekutur Ewropew se jagħżel mhux aktar minn 3 (tliet) kandidati, jikklassifikahom fl-ordni ta’ preferenza, u jittrażmetti din il-lista qasira bil-valutazzjonijiet korrispondenti lill-Kulleġġ tal-UPPE.

Il-Kulleġġ għandu jaħtar id-Direttur Amministrattiv minn wieħed mill-kandidati fil-lista preliminari. Il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi li jintervista lill-kandidati qabel ma jaħtar id-Direttur Amministrattiv minn fost il-kandidati proposti mill-Kap Prosekutur Ewropew. Il-kandidat maħtur bid-deċiżjoni tal-Kulleġġ se jiġi offrut impjieg.

F’konformità mal-Artikoli 11 u 11a tar-Regolamenti tal-Persunal (RP) u l-Artikolu 11 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS), il-kandidat magħżul se jkun meħtieġ jagħmel dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess qabel ir-reklutaġġ. L-Awtorità tal-Ħatra tal-UPPE se teżamina jekk il-kandidat magħżul għandux xi interess personali li jista’ ifixkel l-indipendenza tiegħu jew kwalunkwe kunflitt ta’ interess ieħor fir-rigward tal-pożizzjoni offruta u se jadotta miżuri xierqa. Għal dak il-għan, il-kandidat, billi juża formola speċifika, għandu jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess effettiv jew potenzjali.

L-applikazzjonijiet kollha jiġu ttrattati b’mod ugwali. L-applikanti se jiġu vvalutati abbażi tal-kwalifiki tagħhom u f’konformità stretta mal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs sabiex ikun hemm l-aħjar tqabbil possibbli bejn il-profil tal-kandidat u r-rekwiżiti tal-impjieg inkwistjoni.

Il-kandidati ma għandhom bl-ebda mod jikkuntattjaw lill-Kap Prosekutur Ewropew jew lill-panel ta’ assistenza, direttament jew indirettament, dwar dan ir-reklutaġġ. L-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li tiskwalifika kwalunkwe kandidat li jinjora din l-istruzzjoni.

7.   Kuntratt u Remunerazzjoni

Il-kandidat magħżul se jiġi offrut kuntratt bħala aġent temporanju tat-tip 2(a) skont is-CEOS għal perjodu inizjali ta’ 4 (erba’) snin, li jista’ jiġġedded darba għal perjodu ta’ mhux aktar minn 4 (erba’) snin.

Il-kandidat magħżul li jiġi offrut kuntratt ta’ impjieg, mad-dħul tiegħu fis-servizz, jitqiegħed fl-iskala 1 jew skala 2 tal-grad AD14, skont it-tul tal-esperjenza professjonali tiegħu/tagħha. Is-salarju bażiku fix-xahar għall-grad AD14 bħalissa huwa:

Stadju 1: EUR 14 837,60

Stadju 2: EUR 15 461,11

Minbarra s-salarju bażiku, japplikaw il-benefiċċji li ġejjin:

Allowances speċifiċi addizzjonali (eż. espatrijazzjoni, unità domestika, tfal dipendenti, installazzjoni) skont is-sitwazzjoni familjari tal-individwu u l-post tal-oriġini;

Arranġamenti ta’ xogħol flessibbli (bħal xogħol part-time, ħinijiet tax-xogħol flessibbli, telexogħol);

Opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp;

Intitolament għal-liv annwali ta’ mill-inqas 24 jum;

Liv tal-maternità/paternità u liv tal-ġenituri taħt ċerti kundizzjonijiet;

Skema ta’ Assigurazzjoni kontra l-Mard u l-Qgħad li tippermetti l-aċċess għall-kura madwar id-dinja;

Drittijiet tal-Pensjoni tas-Servizz Ċivili tal-UE wara 10 snin ta’ servizz.

Is-salarju huwa soġġett għal taxxa Komunitarja mnaqqsa fis-sors u l-membri tal-persunal jiġu eżenti mit-tassazzjoni nazzjonali.

F’konformità mal-Artikolu 97 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-kontinwità tal-kuntratti, inklużi d-drittijiet tal-pensjoni, għandha tiġi offruta lill-persunal impjegat mill-Istituzzjonijiet, l-uffiċċji, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni bħala aġenti temporanji skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tas-CEOS, l-aġenti temporanji skont il-punt (f) tal-Artikolu 2 tas-CEOS li, mingħajr interruzzjoni, jiġu ingaġġati mill-UPPE wara l-proċedura tal-għażla attwali. Madankollu, tali kuntratti huma soġġetti għall-pożizzjonijiet u l-gradi disponibbli fil-Pjan ta’ Stabbiliment tal-UPPE.

8.   Opportunitajiet indaqs

L-UPPE japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

9.   Protezzjoni tad-Data

L-UPPE se jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (6).

10.   Appelli

Il-kandidati li jqisu li l-interessi tagħhom ġew ippreġudikati minn kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-proċedura tal-għażla, jistgħu jressqu lment amministrattiv skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-limitu ta’ żmien previst, fl-indirizz li ġej:

European Public Prosecutor’s Office (EPPO)

For the attention of the European Chief Prosecutor, Ms Laura KÖVESI

Ref.: EPPO/AD/2020/004

1, Rue du Fort Thuengen

1499 Luxembourg

LUXEMBOURG

L-ilment irid isir fi żmien tliet (3) xhur. Il-limitu taż-żmien għall-bidu ta’ din it-tip ta’ proċedura jibda jiddekorri minn meta l-kandidat(a) j/tiġi nnotifikata bl-att li jippreġudikah/a.


(1)  Ara aktar informazzjoni taħt l-intestatura “Kuntratt u Remunerazzjoni”.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(3)  Jekk din il-persuna tirnexxi, tintalab tipprovdi qabel ir-reklutaġġ, ċertifikat tal-pulizija li jikkonferma l-assenza ta’ kwalunkwe rekord kriminali.

(4)  Qabel ir-reklutaġġ, il-kandidat magħżul se jiġi eżaminat minn wieħed miċ-ċentri mediċi tal-Istituzzjonijiet biex jiġi kkonfermat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 12(2)(d) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-UE huma ssodisfati.

(5)  ara l-Livelli Lingwistiki tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza https://europa.eu/europass/en/common-european-framework-reference

(6)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.