ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 352I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
22 ta' Ottubru 2020


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 352 I/01

Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 352/1


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2020/C 352 I/01)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma l-oġġett ta’ dumping, u b’hekk qed ikunu ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fit-8 ta’ Settembru 2020 minn sitt produtturi tal-Unjoni (“l-ilmentaturi”), li jirrapprżentaw aktar minn 50 % tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni.

Verżjoni pubblika tal-ilment u analiżi ta’ kemm l-ilment ġie appoġġat mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni ta’ ħxuna ta’ inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħdum aktar ħlief rrumblat, f’rombli ta’ piż li jaqbeż l-10 kg (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, bla rinforz, mhux maħdum aktar ħlief irrumblat, f’rombli mhux usa’ minn 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg.

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas 0,007 mm iżda anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, f’rombli usa’ minn 650 mm, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

Il-foil tal-aluminju għal użu domestiku ta’ ħxuna ta’ mhux aktar 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprat u kemm jekk mhux.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċijiet TARIC 7607111960 u 7607111991).

L-ilmentaturi ddikjaraw li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi tar-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Biex jissostanzjaw l-allegazzjonijiet dwar id-distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentaturi bbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni li hemm fid-“Commission Staff Working Document on Significant Distortions in the Economy of the PRC” (id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar id-Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ) bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2017 (ir-“rapport tal-Kummissjoni”) (4), u ddeskrivew ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ, b’mod partikolari t-taqsima dwar l-aluminju u r-rapport tal-OECD “Measuring distortions in international markets - The aluminium value chain” (5) (Il-kejl tad-distorsjonijiet fi swieq internazzjonali - Il-katina tal-valur tal-aluminju). L-ilmentaturi rreferew ukoll għar-rapport imħejji għal WVMetalle (6), l-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industrija tal-metalli mhux bil-ħadid, bid-data tal-24 ta’ April 2017, u għas-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping fuq rombli żgħar tal-foil tal-aluminju, li huma prodotti downstream tal-foil tal-aluminju għal użu domestiku (7).

B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat, meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li jeżistu biżżejjed provi, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li jissuġġerixxu li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ. L-evidenza kollha li tappoġġa l-intervent mill-Istat u d-distorsjonijiet fis-settur tal-aluminju hija parti mill-verżjoni pubblika tal-ilment u disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

4.   Allegazzjonijiet ta’ dannu, ir-rabta ta’ kawżalità u d-distorsjonijiet fil-materja prima

4.1.    Allegazzjonijiet ta’ dannu/rabta ta’ kawżalità

L-ilmentaturi pprovdew evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu kumplessivament f’termini assoluti.

L-evidenza li pprovdew l-ilmentaturi turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott investigat importat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-ilmentatur jipprovdi evidenza li hemm kapaċità suffiċjenti liberament disponibbli fil-RPĊ, li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet.

Huwa allegat ukoll li l-fluss tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping x’aktarx se jkompli jiżdied b’mod sostanzjali minħabba l-impożizzjoni riċenti ta’ tariffi u miżuri kontra l-prodott investigat fi swieq terzi, bħall-Istati Uniti, it-Turkija, l-Indja, il-Messiku u l-Indoneżja. Dan jindika l-possibbiltà li l-esportazzjonijiet jitqabbdu mill-ġdid ir-rotta lejn l-Unjoni, u dan iwassal għal żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. L-ilmentatur jallega li dawn il-bidliet fiċ-ċirkostanzi huma b’mod ċar mistennija u imminenti.

L-ilmentatur jallega wkoll li ż-żieda ta’ importazzjonijiet inġusti hija l-kawża ewlenija ta’ dannu u li ma hemmx fatturi oħra li jidhru li jimmitigaw ir-rabta kawżali.

Il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza li turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livelli ta’ prezzijiet mitluba, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

4.2.    Allegazzjoni ta’ distorsjonijiet fil-materja prima

L-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza dwar li jeżistu distorsjonijiet fil-materja prima, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, marbutin mal-prodott investigat. Skont l-evidenza tal-ilment, ligi ta’ aluminju mhux maħdum (il-kodiċi SA 7601 20) u l-iskart u l-fdal tal-aluminju (minbarra gagazza, qxur tal-metall u affarijiet simili mill-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar, li jkun fihom aluminju li jista’ jiġi rkuprat fil-forma ta’ silikat (il-kodiċi SA 7602 00), li jirrappreżentaw individwalment aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoini tal-prodott investigat huma distorti minħabba restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (15 % tat-taxxa tal-esportazzjoni tapplika kemm għal-ligi tal-aluminju kif ukoll għall-iskart u l-fdal tal-aluminju).

Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se teżamina d-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta jekk, dejjem jekk rilevanti, dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jekk distorsjonijiet oħra koperti mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn id-distorsjonijiet l-oħra.

5.   Proċedura

Il-Kummissjoni, wara li stabbiliet u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, qed tibda b’dan investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat, li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat huwiex oġġett ta’ dumping, u jekk dawn l-importazzjonijiet ta’ dumping ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Jekk jiġi applikat l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tanalizza t-test dwar l-interessi tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal tibdiliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien biex il-partijiet interessati jippreżentaw ruħhom, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġiet ippubblikata Notifika (9) dwar il-konsegwenzi potenzjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar il-fatturi tal-produzzjoni/l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fl-ilment fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dannu u mar-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (10) tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni fuq il-produtturi esportaturi

5.3.1.1.   Il-proċedura sabiex jintgħażlu l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-RPĊ

(a)   Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/34d12b87-175d-6b54-7ca8-663084e88e08. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tar-RPĊ u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-RPĊ, jekk ikun xieraq, liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2487.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) aktar ’l isfel, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat fuq l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun ma jkunx jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (11).

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jlestu l-kwestjonarju u jirritornawh komplut kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2487.

Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw li mhumiex parti mill-kampjun, tant ikun kbir, li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati, se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, kif ukoll dwar l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv adattat, fejn ikun xieraq, li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a). Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a). Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-pajjiżi terzi rappreżentattivi li jistgħu jkunu xierqa huma t-Turkija u l-Brażil. Bl-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentant xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx pajjiż(i) terz(i) b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħal tar-RPĊ, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawn il-pajjiżi terzi u jekk hix disponibbli data rilevanti. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma kif ukoll ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/155943df-9e87-21cb-124a-7bf5efa9f8fd. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jipproponu pajjiżi rappreżentattivi u produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawn il-pajjiżi fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Apparti dan, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

5.3.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (12) (13)

L-importaturi mhux relatati, li jimpurtaw il-prodott li qed jiġi investigat mir-RPĊ lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness II ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2487.

5.4.    Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

L-istabbiliment tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni tinnotifika lill-produtturi kollha magħrufa tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa bil-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu għall-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2487

5.5.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet rigward il-materja prima

F’każijiet ta’ distorsjoni rigward il-materja prima kif definit fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni twettaq test dwar l-interessi tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, meta tistabbilixxi l-livell ta’ dazji skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, biex tapplika l-Artikolu 7(2), hija twettaq test dwar l-interessi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu l-informazzjoni kollha pertinenti li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar il-kapaċitajiet żejda fil-pajjiż kkonċernat, il-kompetizzjoni għal materja prima u l-effett fuq il-katini ta’ provvista għal kumpaniji Ewropej. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li jkun skont l-interess tal-Unjoni li jiġi applikat l-Artikolu7(2a) tar-Regolament bażiku.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tapplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tingħata fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fil-format ta’ kitba jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2487. L-informazzjoni mogħtija titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.6.    Il-partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.4 u 5.3.3 ta’ hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jagħmlu lilhom infushom magħrufa, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet ta’ din il-paġna sabiex ikollok aċċess.

5.7.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

i.

Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

ii.

Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

iii.

Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex jiġu pprovduti kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-dritt tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (14). Il-partijiet li jippreżentaw l-informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma obbligati jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk il-parti li tipprovdi l-informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix is-sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitlubin, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni dment li sorsi xierqa jkunu jistgħu juru b’mod sodisfaċenti li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jipprovdu jkun indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika:

Għal kwistjonijiet dwar dumping:

TRADE-AD673-ACF-DUMPING@ec.europa.eu

Għal kwistjonijiet marbutin ma’ dannu u mal-interessi tal-Unjoni:

TRADE-AD673-ACF-INJURY@ec.europa.eu

6.   L-iskeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, u ma ddumx aktar minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, li mhux se jiġu imposti dazji erba’ (4) ġimgħat qabel id-data tal-għeluq skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u 10 ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika biss. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

i.

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

ii.

Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jikkonfutaw allegazzjonijiet fattwali li jkunu saru minn partijiet interessati oħrajn u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tkun tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

iii.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

8.   Il-possibbiltà li jsiru kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

i.

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir mhux iktar tard mill-75 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

ii.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

iii.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar l-iżvelar finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni jsiru fi żmien jum (1) mill-iskadenza għal kummenti marbutin ma’ din id-divulgazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika

L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw wara talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkustanzi eċċezzjonali u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Rigward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nonkoperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u l-konstatazzjonijiet għaldaqstant ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal din il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għal din it-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun, wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-taqsima 5.7 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament jqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien gravi biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf. Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-Kummissjoni jistgħu jinkisbu wkoll fuq talba debitament motivata.

(5)  OECD (2019), “Measuring distortions in international markets: the aluminium value chain” (Il-kejl tad-distorsjonijiet fi swieq internazzjonali — Il-katina tal-valur tal-aluminju), OECD Trade Policy Papers, Nru 218, OECD Publishing, Pariġi.

(6)  Think!Desk China Research& Consulting, “Final Report — Analysis of Market Distortions in the Chinese Non-Ferreous Metal Industry” (Rapport Finali — Analiżi tad-Distorsjonijiet tas-Suq fl-Industrija Ċiniża tal-Metalli mhux bil-Ħadid), l-24 April 2017.

(7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/915 tal-4 ta’ Ġunju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 63).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(9)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(10)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(11)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.

(12)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li ma humiex relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

(14)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Li jistgħu jikkonsultawha l-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ FOIL TAL-ALUMINJU GĦALL-MODIFIKAZZJONI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI DWAR L-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Kemm il-verżjoni “Sensittiva” kif ukoll il-“Verżjoni li jistgħu jikkonsultawha l-partijiet interessati” jridu jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stabbilit fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U DWAR L-IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

L-isem tal-kumpanija

 

L-indirizz

 

Il-persuna ta’ kuntatt

 

L-indirizz tal-posta elettronika

 

It-telefown

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) u l-fatturat u l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) tal-foil tal-aluminju għall-modifikazzjoni kif definit fin-Notifika ta’ Bidu.

 

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Il-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

L-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

L-importazzjonijiet tal-prodott investigat fl-Unjoni (minn kullimkien)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija tiegħek u l-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u speċifika r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

L-isem u l-lokalità tal-kumpanija

L-attivitajiet

It-tip ta’ relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tikkunsidra li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi t-tagħrif ta’ hawn fuq, il-kumpanija tiegħek tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tiegħek tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssir żjara fuq il-post tal-kumpanija sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tiegħek tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal din il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u kariga tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjugi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).