ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 340I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
13 ta' Ottubru 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 340 I/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Ir-Raba’ emenda tal-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 u emendi għall-Anness tal-Komunikazzjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir

1


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 340 I/02

Notifika għall-attenzjoni ta’ JAMAL HUSSEIN HASSAN ZEINIYE, li ismu żdied mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da’esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1473

11


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

13.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 340/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Ir-Raba’ emenda tal-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 u emendi għall-Anness tal-Komunikazzjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir

(2020/C 340 I/01)

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (1) (“il-Qafas Temporanju”). Fit-3 ta’ April 2020, hija adottat l-ewwel emenda li tippermetti għajnuna biex jiġu aċċellerati r-riċerka, l-ittestjar u l-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti għall-COVID-19, biex jiġu protetti l-impjiegi u biex tkompli tiġi sostnuta l-ekonomija matul il-kriżi attwali. (2) Fit-8 ta’ Mejju 2020, hija adottat it-tieni emenda biex tkompli tiffaċilita l-aċċess għall-kapital u għal-likwidità għall-impriżi affettwati mill-kriżi (3). Fid-29 ta’Ġunju 2020, hija adottat it-tielet emenda biex tkompli ssostni lill-kumpaniji mikro, żgħar u ġodda u tinċentiva l-investimenti privati (4).

2.

Il-miżuri ta’ għajnuna koperti mill-Qafas Temporanju jiżguraw bilanċ xieraq bejn l-effetti pożittivi tagħhom fl-assistenza għall-impriżi u kull effett negattiv potenzjali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-Suq Intern. Applikazzjoni mmirata u proporzjonata tal-kontroll għall-għajnuna mill-Istat tal-UE tiżgura li l-miżuri ta’ sostenn nazzjonali jgħinu b’mod effettiv lill-impriżi milquta matul it-tifqigħa tal-COVID-19, filwaqt li jillimitaw id-distorsjonijiet bla bżonn fis-Suq Intern, iżommu l-integrità tas-Suq Intern u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Dan jikkontribwixxi għall-kontinwità tal-attività ekonomika matul it-tifqigħa tal-COVID-19 u jipprovdi lill-ekonomija bi pjattaforma b’saħħitha biex tirkupra mill-kriżi, filwaqt li jqis l-importanza li jinkisbu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, f’konformità mad-dritt u l-objettivi tal-UE.

3.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li l-miżuri ppreżentati fil-Qafas Temporanju jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2021 u, għat-Taqsima 3.11, sat-30 ta’ Settembru 2021; jiġu identifikati l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat temporanji addizzjonali (għajnuna fil-forma ta’ appoġġ għal spejjeż fissi mhux koperti); u jiġu ċċarati u emendati l-kundizzjonijiet għal ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat temporanji addizzjonali li l-Kummissjoni tqis li huma kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan ukoll li temenda l-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli ppreżentati fl-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (short-term export-credit insurance, “STEC”) (5).

4.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qafas Temporanju inizjalment kien mistenni li jiskadi wara l-31 ta’ Diċembru 2020, ħlief għat-Taqsima 3.11, li tiskadi wara t-30 ta’ Ġunju 2021. Il-Qafas Temporanju ppreveda wkoll li l-Kummissjoni tista’ tirrieżamina l-Qafas Temporanju qabel il-31 ta’ Diċembru 2020 abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet importanti tal-politika tal-kompetizzjoni jew ekonomiċi.

5.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni vvalutat il-ħtieġa kontinwa għall-għajnuna skont il-Qafas Temporanju, bil-ħsieb li tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li tinżamm wara l-31 ta’ Diċembru 2020. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis dawn il-fatturi: minn naħa waħda, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali maħluqa mit-tifqigħa tal-COVID-19; min-naħa l-oħra, l-adegwatezza tal-Qafas Temporanju bħala strument li jiżgura li l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali jgħinu b’mod effettiv lill-impriżi affettwati matul it-tifqigħa, filwaqt li jillimitaw id-distorsjonijiet bla bżonn fis-Suq Intern u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

6.

Skont it-Tbassir Ekonomiku tas-Sajf tal-2020 (6), l-ekonomija tal-UE hija pproġettata li tonqos bi 8,3 % fl-2020, u dan huwa tnaqqis ikbar mis-7,4 % previsti fir-rebbiegħa. Billi t-tneħħija tal-miżuri restrittivi qed tipproċedi b’mod aktar gradwali milli kien previst fil-bidu, l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-attività ekonomika jista’ jkun aktar sinifikanti milli kien antiċipat. Il-PDG għaż-żona tal-euro fi tmiem l-2021 huwa mistenni li jkun madwar 2 % aktar baxx milli kien fi tmiem l-2019, qabel il-kriżi, u madwar 4,5 % taħt il-livell tal-PDG stmat fit-tbassir tax-xitwa (7). Minħabba t-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet, iżda anki minħabba l-effetti aktar permanenti tat-tifqigħa (pereżempju qerda mifruxa tal-impjiegi u insolvenzi korporattivi), jista’ jkun hemm irkupru aktar bil-mod u mhux komplut.

7.

L-Istati Membri użaw b’mod sostanzjali l-possibbiltajiet skont il-Qafas Temporanju bħala strument li jindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tat-tifqigħa. Fis-16 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri li jiffoka fuq l-impatt u l-effettività tal-Qafas Temporanju. L-evidenza li qed tiġbor il-Kummissjoni turi li din kienet tikkostitwixxi strument addizzjonali utli biex jappoġġja l-ekonomija matul il-kriżi.

8.

Filwaqt li l-Qafas Temporanju kien utli bħala strument li jindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tat-tifqigħa, l-użu tal-Qafas Temporanju enfasizza wkoll id-differenzi fis-Suq Intern, prinċipalment minħabba d-differenzi fid-daqs ekonomiku u l-baġits tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jkun hemm estensjoni limitata tal-miżuri ppreżentati fil-Qafas Temporanju sat-30 ta’ Ġunju 2021 u, għat-Taqsima 3.11, sat-30 ta’ Settembru 2021 biex tiżgura li l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali jgħinu b’mod effettiv lill-impriżi affettwati matul it-tifqigħa, iżda anki biex tinżamm l-integrità tas-Suq Intern u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Bil-ħsieb li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, il-Kummissjoni se tivvaluta qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 jekk il-Qafas Temporanju jeħtieġx li jiġi estiż aktar.

9.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċċara li, għall-fini tat-Taqsima 3.1, it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 tal-Qafas Temporanju, irid jiġi kkunsidrat il-vantaġġ attwali f’mument partikolari u jrid dejjem ikun fil-limiti ġenerali tal-Qafas Temporanju. Dan ifisser li, pereżempju, ħlas bil-quddiem ripagabbli ta’ EUR 800 000 jiġi konċess lil impriża skont it-Taqsima 3.1, fejn dan il-ħlas bil-quddiem ripagabbli jkun tħallas lura qabel tmiem il-validità tal-Qafas Temporanju, dik l-impriża terġa’ tkun eliġibbli għal ammonti limitati ta’ għajnuna skont it-Taqsima 3.1, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fiha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċċara li, fejn tiġi konċessa miżura ta’ għajnuna skont it-Taqsima 3.2 jew it-Taqsima 3.3 u t-termini tagħha jkunu ġew aġġustati qabel tmiem il-validità tal-Qafas Temporanju, l-għajnuna diġà riċevuta u l-għajnuna l-ġdida jridu kumplessivament jibqgħu konformi mal-Qafas Temporanju u fil-limiti stabbiliti fit-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 għad-durata sħiħa tal-miżura.

10.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jimmodifikaw il-miżuri ta’ għajnuna eżistenti approvati mill-Kummissjoni skont il-Qafas Temporanju sabiex jestendu l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2021 u, għat-Taqsima 3.11, sat-30 ta’ Settembru 2021. L-Istati Membri li jippjanaw li jagħmlu dan huma mistiedna jinnotifikaw lista tal-miżuri ta’ għajnuna kollha eżistenti li jipprevedu li jimmodifikaw u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa elenkata fl-anness ta’ din il-Komunikazzjoni. Dan jippermetti li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni waħda li tkopri l-lista ta’ skemi.

11.

It-tieni, b’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, ħafna impriżi temporanjament jiffaċċjaw domanda aktar baxxa li ma tippermettilhomx ikopru parti mill-ispejjeż fissi tagħhom. F’ħafna każijiet, id-domanda hija mistennija li tirkupra fix-xhur li ġejjin, filwaqt li jista’ ma jkunx effiċjenti li dawk l-impriżi jnaqqsu n-numru tal-impjegati tagħhom jekk dan ikun jinvolvi spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar. L-appoġġ għal dawn l-impriżi b’kontribuzzjoni għal parti mill-ispejjeż fissi tagħhom fuq bażi temporanja jista’ jkun mod effiċjenti biex jitnaqqas id-distakk, u b’hekk jiġi evitat id-deterjorament tal-kapital tagħhom, tinżamm l-attività kummerċjali tagħhom u jingħataw pjattaforma b’saħħitha li minnha jistgħu jirkupraw.

12.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż fissi mhux koperti ta’ dawk l-impriżi li għalihom it-tifqigħa tal-COVID-19 irriżultat fis-sospensjoni jew fit-tnaqqis tal-attività tan-negozju tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna konċessa skont dawn il-miżuri hija ġġustifikata u tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, għal perjodu limitat, biex tindirizza l-effetti ekonomiċi negattivi aktar mifruxa tat-tħarbit ekonomiku kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

13.

It-tielet, il-Qafas Temporanju jippreżenta l-kriterji, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna kompatibbli fil-forma ta’ ekwità u/jew strumenti kapitali ibridi lill-impriżi li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċċara li jenħtieġ li d-drittijiet ta’ prijorità għall-azzjonisti eżistenti skont il-punt 64 tal-Qafas Temporanju ma jikkawżawx li l-azzjonisti eżistenti jeċċedu sehemhom fl-ekwità tal-benefiċjarju qabel ir-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tiċċara wkoll li l-ħruġ tal-Istat mill-benefiċjarji tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 permezz tal-mekkaniżmu tal-punt 64 tal-Qafas Temporanju jirrikjedi bejgħ tas-sehem ta’ ekwità tal-Istat bi prezzijiet tas-suq lil xerrejja terzi, jiġifieri entitajiet għajr il-benefiċjarju li la huma awtoritajiet pubbliċi u lanqas impriżi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/111/KE (8).

14.

Madankollu, minħabba li jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu jirrispetta l-prinċipju tan-newtralità stipulat fit-TFUE fir-rigward tas-sjieda pubblika fil-konfront ta’ dik privata (l-Artikolu 345 tat-TFUE), il-Kummissjoni żżid ċerti aġġustamenti għal dak il-mekkaniżmu sabiex tiżgura li l-ħruġ tal-Istat mill-impriżi li fihom l-Istat ikun azzjonist eżistenti, jiġifieri qabel ir-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19, iseħħ b’kundizzjonijiet li jistgħu jitqiesu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-impriżi privati.

15.

L-Istati Membri li diġà impenjaw ruħhom għall-possibbiltà li joħorġu minn benefiċjarji tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 permezz tal-mekkaniżmu tal-punt 64 tal-Qafas Temporanju, jiġifieri billi jbigħu s-sehem tal-ekwità tagħhom lil xerrejja terzi għajr il-benefiċjarju, jistgħu jipprevedu li jimmodifikaw il-miżuri ta’ għajnuna eżistenti approvati mill-Kummissjoni skont il-Qafas Temporanju sabiex jinkludu l-possibbiltajiet addizzjonali miżjuda b’din il-Komunikazzjoni. L-Istati Membri li jippjanaw li jagħmlu dan huma mistiedna jinnotifikaw lista tal-miżuri ta’ għajnuna kollha eżistenti li jipprevedu li jimmodifikaw u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa elenkata fl-anness ta’ din il-Komunikazzjoni. Dan jippermetti li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni waħda li tkopri l-lista ta’ miżuri.

16.

Ir-raba’, l-applikazzjoni tal-Qafas Temporanju wriet il-ħtieġa li jiġu introdotti kjarifiki addizzjonali u emendi għal punti oħrajn ta’ dan il-qafas, speċjalment fit-Taqsima 3.1 u fit-Taqsima 3.11.

17.

Fl-aħħar nett, din il-Komunikazzjoni tipprevedi emenda għal-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli stabbiliti fl-Anness tal-STEC kif ukoll emenda tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Qafas Temporanju li jikkonċernaw l-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu.

18.

L-STEC tipprovdi li r-riskji kummerċjabbli ma għandhomx jiġu koperti mill-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu b’appoġġ tal-Istati Membri. B’konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni sabet li hemm nuqqas ta’ kapaċità ta’ assigurazzjoni privata suffiċjenti għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir b’mod ġenerali u kkunsidrat ir-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-STEC bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020 (9).

19.

Fil-kuntest tad-diffikultajiet kontinwi minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u f’konformità mal-punti 35 u 36 tal-STEC, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika biex tivvaluta d-disponibbiltà tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni attwali tas-suq tistax tiġġustifika l-estensjoni tat-tneħħija tal-pajjiżi kollha mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-Anness tal-STEC lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Kummissjoni rċeviet għadd sinifikanti ta’ tweġibiet mill-Istati Membri, assiguraturi privati, esportaturi, u korpi kummerċjali, li indikaw it-tnaqqis rapidu kontinwu tal-kapaċità tal-assigurazzjoni tal-kreditu privata għall-esportazzjonijiet b’mod ġenerali. Ħafna mill-assiguraturi tal-Istat irreġistraw żieda sinifikanti fl-għadd ta’ talbiet għal polza tal-assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi b’riskju kummerċjabbli. Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qed jipprevedu li l-kopertura tal-assigurazzjoni se tibqa’ skarsa, u dan jimplika li qed jistennew disponibbiltà insuffiċjenti ta’ assigurazzjoni privata għal dawk il-pajjiżi fl-2021.

20.

Meta jitqies l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll is-sinjali ġenerali tal-impatt tat-tfixkil kontinwu tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi, il-Kummissjoni tqis li għad hemm nuqqas ġenerali ta’ kapaċità privata suffiċjenti biex tkopri r-riskji kollha ekonomikament ġustifikabbli għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi mil-lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli fl-Anness tal-STEC. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni se tqis ir-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-STEC bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sat-30 ta’ Ġunju 2021, f’konformità mat-tul ta’ żmien tal-Qafas Temporanju. F’konformità mal-punt 36 tal-STEC, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk testendix l-eċċezzjoni temporanja qabel ma tiskadi.

2.   EMENDI GHALL-QAFAS TEMPORANJU

21.

L-emendi li ġejjin għall-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 se jidħlu fis-seħħ minn 13 ta’ Ottubru 2020.

22.

L-ittra a. tal-punt 22 hija sostitwita b’dan li ġej:

“a.

L-għajnuna ġenerali ma tkunx teċċedi EUR 800 000 għal kull impriża (*1). L-għajnuna tista’ tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa u fuq il-pagamenti jew f’forom oħra bħalma huma ħlasijiet bil-quddiem ripagabbli, garanziji, self u ekwità dment li l-valur nominali totali ta’ dawn il-miżuri jibqa’ taħt il-limitu globali ta’ EUR 800 000 għal kull impriża; iċ-ċifri kollha użati jridu jkunu grossi, jiġifieri, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew xi imposti oħra;

(*1)  L-għajnuna li tiġi konċessa abbażi ta’ skemi approvati skont din it-Taqsima li tkun tħallset lura qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 ma għandhiex tiġi meqjusa biex jiġi determinat jekk jinqabiżx il-limitu massimu rilevanti.”"

23.

L-ittra d. tal-punt 22 hija sostitwita b’dan li ġej:

“d.

l-għajnuna tkun konċessa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021 (*2);

(*2)  ekk l-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ benefiċċju fuq it-taxxa, l-obbligazzjoni ta’ taxxa li fir-rigward tagħha jkun ġie konċess dak il-benefiċċju trid tkun seħħet mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021.”"

24.

L-ittra a. tal-punt 23 hija sostitwita b’dan li ġej:

“a.

l-għajnuna globali ma tkunx teċċedi EUR 120 000 għal kull impriża attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (*3) jew EUR 100 000 għal kull impriża attiva fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli (*4); (*5) l-għajnuna tista’ tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa u fuq il-pagamenti jew f’forom oħra bħalma huma ħlasijiet bil-quddiem ripagabbli, garanziji, self u ekwità dment li l-valur nominali totali ta’ dawn il-miżuri ma jeċċedix il-limitu globali ta’ EUR 120 000 jew EUR 100 000 għal kull impriża; iċ-ċifri kollha użati jridu jkunu grossi, jiġifieri, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew xi imposti oħra;

(*3)  Kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45."

(*4)  Il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tat-TFUE bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura."

(*5)  L-għajnuna li tiġi konċessa abbażi ta’ skemi approvati skont din it-Taqsima li tkun tħallset lura qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 ma għandhiex tiġi meqjusa biex jiġi determinat jekk jinqabiżx il-limitu massimu rilevanti.”"

25.

L-ittra c. tal-punt 25 hija sostitwita b’dan li ġej:

“c.

Il-garanzija hija konċessa sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021;”

26.

L-introduzzjoni tal-ittra d. tal-punt 25 hija sostitwita b’dan li ġej:

“d.

Fil-każ ta’ self b’maturità lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021, l-ammont globali tas-self għal kull benefiċjarju ma jkunx jeċċedi:”

27.

L-ittra e. tal-punt 25 hija sostitwita b’dan li ġej:

“e.

Fil-każ ta’ self li jimmatura sat-30 ta’ Ġunju 2021, l-ammont tal-kapital tas-self jista’ jkun ogħla milli hu taħt il-punt 25(d) b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni u dment li tibqa’ assigurata l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-Istat Membru juri dan lill-Kummissjoni;”

28.

L-ittra c. tal-punt 27 hija sostitwita b’dan li ġej:

“c.

Il-kuntratti tas-self jiġu ffirmati mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021 u jkunu limitati għal massimu ta’ sitt snin, sakemm ma jiġux modulati skont il-punt 27(b);”

29.

L-introduzzjoni tal-ittra d. tal-punt 27 hija sostitwita b’dan li ġej:

“d.

Fil-każ ta’ self b’maturità lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021, l-ammont globali tas-self għal kull benefiċjarju ma jkunx jeċċedi:”

30.

L-ittra e. tal-punt 27 hija sostitwita b’dan li ġej:

“e.

Fil-każ ta’ self li jimmatura sat-30 ta’ Ġunju 2021, l-ammont tal-kapital tas-self jista’ jkun ogħla milli hu taħt il-punt 27(d) b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, u dment li tibqa’ assigurata l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-Istat Membru juri dan lill-Kummissjoni;”

31.

Il-punt 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“28.

L-għajnuna fil-forma ta’ garanziji u ta’ self skont it-Taqsima 3.1, it-Taqsima 3.2, it-Taqsima 3.3 u t-Taqsima 3.12 ta’ din il-Komunikazzjoni tista’ tiġi pprovduta lil impriżi li jiffaċċjaw nuqqas għal għarrieda ta’ likwidità direttament jew permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħala intermedjarji finanzjarji. Fil-każ tal-aħħar, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.”

32.

Il-punt 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“33.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkunsidra r-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati fl-Anness tal-STEC bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

33.

L-ittra a. tal-punt 35 hija sostitwita b’dan li ġej:

“a.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, ħlas bil-quddiem ripagabbli jew benefiċċji fuq it-taxxa sat-30 ta’ Ġunju 2021;”

34.

L-ittra b. tal-punt 37 hija sostitwita b’dan li ġej:

“b.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa jew ħlas bil-quddiem ripagabbli sat-30 ta’ Ġunju 2021;”

35.

L-ittra b. tal-punt 39 hija sostitwita b’dan li ġej:

“b.

L-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, benefiċċji fuq it-taxxa jew ħlas bil-quddiem ripagabbli sat-30 ta’ Ġunju 2021;”

36.

Il-punt 41 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“41.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE l-iskemi ta’ għajnuna tat-TFUE li jikkonsistu f’differimenti temporanji tat-taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li japplikaw għall-impriżi (inkluż individwi li jaħdmu għal rashom) li jkunu partikolarment affettwati mit-tifqigħa tal-COVID-19, pereżempju f’setturi jew reġjuni speċifiċi jew li jkunu ta’ ċertu daqs. Dan japplika wkoll għall-miżuri previsti fir-rigward ta’ obbligi fiskali u tas-sigurtà soċjali maħsuba biex itaffu r-restrizzjonijiet tal-likwidità li jħabbtu wiċċhom magħhom il-benefiċjarji, inkluż iżda mhux limitat għad-differiment ta’ pagamenti dovuti bin-nifs, aċċess eħfef għall-pjanijiet ta’ pagament ta’ dejn fiskali u għall-konċessjoni ta’ perjodi ħielsa mill-imgħax, sospensjoni tal-irkupru tad-dejn fiskali, u rifużjonijiet tat-taxxa mħaffa. L-għajnuna għandha tiġi konċessa qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 u d-data ta’ tmiem għad-differiment għandha tkun mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022.”

37.

Il-punt 48 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“48.

Il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma għandhomx jiġu konċessi aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2021.”

38.

Il-punt 54 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“54.

Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jridx jaqbeż il-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, u jenħtieġ li ma jmurx lil hinn mir-restawr tal-istruttura kapitali tal-benefiċjarju għal dik ta’ qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, jiġifieri s-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2019. Fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, għandha titqies l-għajnuna mill-Istat riċevuta jew ippjanata fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 (*6).

(*6)  Għall-fini ta’ din is-Sottotaqsima 3.11.4, jenħtieġ li l-istrumenti ibridi konċessi mill-Istat jitqiesu bħala ekwità.”"

39.

Jiddaħħal il-punt 64bis li ġej:

“64bis

Jekk l-Istat ikun l-uniku azzjonist eżistenti, it-tifdija tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 tista’ tieħu l-forma segwenti, minkejja l-punt 64. Dment li jkunu għaddew sentejn mill-għoti tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19:

a.

il-proċess tal-bejgħ imsemmi fil-punt 64 ma jkunx meħtieġ, u

b.

il-konsultazzjoni miftuħa u mhux diskriminatorja msemmija fil-punt 64 tista’ tiġi sostitwita b’valwazzjoni tal-benefiċjarju mwettqa minn entità indipendenti minn dak il-benefiċjarju u mill-Istat. Jekk din il-valwazzjoni indipendenti tistabbilixxi valur tas-suq pożittiv, l-Istat jitqies li jkun ħareġ mir-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19, anki jekk il-benefiċjarju jibqa’ tal-Istat. Madankollu, jekk il-valur tas-suq pożittiv ikun inqas mill-prezz minimu stipulat fil-punt 63, ir-regoli ta’ governanza stipulati fit-Taqsima 3.11.6 għandhom ikomplu japplikaw sa erba’ snin wara li tiġi konċessa l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19. Għall-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 li jeċċedu EUR 250 miljun, l-Istat Membru għandu jippreżenta dik il-valwazzjoni indipendenti lill-Kummissjoni. F’kull każ, fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ titlob għall-preżentazzjoni tal-valwazzjoni indipendenti u tista’ tevalwaha sabiex tiżgura li din tikkonforma mal-istandard stabbilit biex tiżgura tranżazzjonijiet li huma konformi mal-imġiba tas-suq.”

40.

Jiddaħħal il-punt 64ter li ġej:

“64ter

Jekk l-Istat ikun azzjonist wieħed minn diversi azzjonisti eżistenti, it-tifdija tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 tista’ tieħu l-forma segwenti, bħala alternattiva għall-punt 64. Dment li jkunu għaddew sentejn mill-għoti tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19:

a.

Għall-parti tal-ekwità tal-COVID-19 li l-Istat jeħtieġ iżomm sabiex jirrestawra l-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu għal dik ta’ qabel ir-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19, il-possibbiltà tal-punt 64bis hija applikabbli. Jekk l-Istat ibigħ frazzjoni sinifikanti tal-ishma tal-impriża benefiċjarja lil investituri privati permezz ta’ proċess kompetittiv kif imsemmi fil-punt 64, dan il-proċess jista’ jitqies bħala valwazzjoni indipendenti għall-finijiet tal-punt 64bis.

b.

Għall-bqija tal-ekwità tal-COVID-19, japplika l-punt 64. Dan jinkludi b’mod partikolari l-ħtieġa li jitwettaq proċess kompetittiv. L-Istat ma għandux id-drittijiet ta’ prijorità msemmija fil-punt 64 billi diġà eżerċita dak id-dritt skont l-applikazzjoni tal-ittra (a) ta’ hawn fuq (*7).

Meta t-tifdija tar-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 tikkonċerna biss frazzjoni tal-ekwità tal-COVID-19, l-ittri (a) u (b) ta’ hawn fuq japplikaw għal dik il-frazzjoni tal-ekwità tal-COVID-19.

(*7)  Eżempju: Qabel ir-rikapitalizzazzjoni, l-Istat għandu 50 % tal-impriża benefiċjarja. Wara r-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19, l-Istat għandu 90 % tal-impriża (10 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tikkonċerna ishma tal-Istat ta’ qabel il-COVID-19 u 80 % tal-parteċipazzjoni azzjonarja tikkonċerna ishma tal-COVID-19). Sentejn wara r-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19, l-Istat ibigħ 40 % tal-impriża (li tikkorrispondi għal 50 % tal-ishma tal-COVID-19) permezz ta’ proċess kompetittiv lil investituri privati (għal valur tas-suq pożittiv), b’applikazzjoni tal-punt 64ter, l-ittra (b). L-Istat iżomm il-parti li jifdal b’applikazzjoni tal-punt 64ter, l-ittra (a). Il-bejgħ huwa simili għal valutazzjoni indipendenti tal-kumpanija. L-Istat jitqies li jkun feda r-rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 billi l-parti tal-ishma tal-COVID-19 li jżomm jirrestawraw il-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu għal-livelli ta’ qabel il-COVID-19, jiġifieri 50 % u huwa ekwivalenti għall-Istat li jeżerċita d-dritt ta’ prijorità skont il-punt 64. Jekk il-prezz tas-suq tal-ekwità tal-COVID-19 ikun inqas mill-prezz minimu stipulat fil-punt 63, ir-regoli ta’ governanza stipulati fit-Taqsima 3.11.6 ikomplu japplikaw għal sentejn oħra.”"

41.

Tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

“3.12

Għajnuna fil-forma ta’ appoġġ għal spejjeż fissi mhux koperti

86.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż fissi mhux koperti ta’ dawk l-impriżi li għalihom it-tifqigħa tal-COVID-19 irriżultat fis-sospensjoni jew fit-tnaqqis tal-attività tan-negozju tagħhom.

87.

Jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna, il-Kummissjoni se tikkunsidrahom kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.

L-għajnuna tiġi konċessa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021 u tkopri spejjeż fissi mhux koperti mġarrba matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021, inklużi dawk l-ispejjeż imġarrba f’parti minn dak il-perjodu (“perjodu eliġibbli”);

b.

L-għajnuna tiġi konċessa abbażi ta’ skema lil impriżi li jsofru minn tnaqqis fil-fatturat matul il-perjodu eliġibbli ta’ mill-inqas 30 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 (*8);

c.

L-ispejjeż fissi mhux koperti huma l-ispejjeż fissi mġarrba minn impriżi matul il-perjodu eliġibbli li mhumiex koperti mill-kontribuzzjoni tal-profitt (jiġifieri d-dħul bl-ispejjeż varjabbli mnaqqsa) matul l-istess perjodu u li mhumiex koperti minn sorsi oħrajn, bħal assigurazzjoni, miżuri ta’ għajnuna temporanji koperti minn din il-Komunikazzjoni jew appoġġ minn sorsi oħrajn (*9). L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż 70 % tal-ispejjeż fissi mhux koperti, ħlief għall-kumpaniji mikro u żgħar (fis-sens tal-Anness I tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa), fejn l-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż 90 % tal-ispejjeż fissi mhux koperti. Għall-fini ta’ dan il-punt, it-telf tal-impriżi mir-rapporti tal-introjtu tagħhom matul il-perjodu eliġibbli (*10) jitqies li jikkostitwixxi spiża fissa mhuxkoperta. L-għajnuna skont din il-miżura tista’ tiġi konċessa abbażi tat-telf imbassar, filwaqt li l-ammont finali tal-għajnuna għandu jiġi determinat wara r-realizzazzjoni tat-telf abbażi ta’ kontijiet awditjati jew, b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni (pereżempju b’rabta mal-karatteristiċi jew id-daqs ta’ ċertu tip ta’ impriżi) abbażi tal-kontijiet tat-taxxa. Kull pagament li jaqbeż l-ammont finali tal-għajnuna għandu jiġi rkuprat;

d.

F’kull każ, l-għajnuna ġenerali ma għandhiex taqbeż EUR 3 miljun għal kull impriża. L-għajnuna tista’ tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, garanziji u self dment li l-valur nominali totali ta’ dawn il-miżuri jibqa’ taħt il-limitu globali ta’ EUR 3 miljun għal kull impriża. iċ-ċifri kollha użati jridu jkunu grossi, jiġifieri, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra;

e.

L-għajnuna skont din il-miżura ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra għall-istess kostijiet eliġibbli;

f.

L-għajnuna ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (*11) fil-31 ta’ Diċembru 2019. B’deroga għal dan ta’ hawn fuq, l-għajnuna tista’ tingħata lill-impriżi mikro jew żgħar (fis-sens tal-Anness I tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) li kienu diġà f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019, sakemm ma jkunux soġġetti għal proċedura ta’ insolvenza kollettiva skont il-liġi nazzjonali, u ma jkunu rċevew l-ebda għajnuna għas-salvataġġ (*12) jew għajnuna għar-ristrutturar (*13).

(*8)  Il-perjodu referenzjarju huwa perjodu fl-2019 irrispettivament minn jekk il-perjodu eliġibbli huwiex fl-2020 jew fl-2021."

(*9)  Għall-fini ta’ dan il-punt, l-ispejjeż jirreferu għal spejjeż fissi u varjabbli: dawk fissi huma mġarrba indipendentement mil-livell ta’ output, filwaqt li dawk varjabbli huma mġarrba skont il-livell ta’ output."

(*10)  Telf minn indeboliment ta’ darba mhuwiex inkluż fil-kalkolu tat-telf skont din id-dispożizzjoni."

(*11)  Kif definit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1)."

(*12)  Alternattivament, jekk ikunu rċevew għajnuna għas-salvataġġ, ikunu ħallsu lura s-self jew temmew il-garanzija fil-mument li tiġi konċessa l-għajnuna skont din il-Komunikazzjoni."

(*13)  Alternattivament, jekk ikunu rċevew għajnuna għar-ristrutturar, ma jkunx għadhom soġġetti għal pjan ta’ ristrutturar fil-mument li tiġi konċessa l-għajnuna skont din il-Komunikazzjoni.”"

42.

Il-punti 86-94 huma nnumerati mill-ġdid bħala l-punti 88-96.

43.

Il-punt 88 huwa numerat mill-ġdid bħala l-punt 90 u huwa sostitwit b’dan li ġej:

“90.

Sat-30 ta’ Ġunju 2021, l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Kummissjoni lista ta’ miżuri li jkunu ttieħdu abbażi ta’ skemi approvati abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni.”

44.

Il-punt 91 huwa numerat mill-ġdid bħala l-punt 93 u huwa sostitwit b’dan li ġej:

“93.

Il-Kummissjoni tapplika din il-Komunikazzjoni mid-19 ta’ Marzu 2020, filwaqt li tqis l-impatt ekonomiku tat-tifqigħa tal-COVID-19, li kien jirrikjedi azzjoni immedjata. Din il-Komunikazzjoni hija ġustifikata miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali preżenti u mhux se tiġi applikata wara t-30 ta’ Ġunju 2021, ħlief għat-Taqsima 3.11, li mhux se tiġi applikata wara t-30 ta’ Settembru 2021. Il-Kummissjoni se tirrieżamina t-Taqsimiet kollha taħt din il-Komunikazzjoni qabel it-30 ta’ Ġunju 2021 abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet importanti tal-politika tal-kompetizzjoni jew ekonomiċi. Fejn ikun ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ wkoll tipprovdi kjarifiki ulterjuri dwar il-metodu tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari.”

3.   EMENDA GHALL-STEC

45.

L-emenda segwenti għall-STEC se tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2021:

L-Anness tal-STEC huwa sostitwit b’dan li ġej:

Lista ta’ pajjiżi ta’ riskju kummerċjabbli

Il-Kummissjoni tqis ir-riskji kummerċjali u politiċi kollha assoċjati mal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi elenkati hawn taħt bħala temporanjament mhux kummerċjabbli sat-30 ta’ Ġunju 2021.

Il-Belġju

Ċipru

Is-Slovakkja

Il-Bulgarija

Il-Latvja

Il-Finlandja

Ir-Repubblika Ċeka

Il-Litwanja

L-Iżvezja

Id-Danimarka

Il-Lussemburgu

Ir-Renju Unit

Il-Ġermanja

L-Ungerija

L-Awstralja

L-Estonja

Malta

Il-Kanada

L-Irlanda

In-Netherlands

L-Iżlanda

Il-Greċja

L-Awstrija

Il-Ġappun

Spanja

Il-Polonja

In-New Zealand

Franza

Il-Portugall

In-Norveġja

Il-Kroazja

Ir-Rumanija

L-Iżvizzera

L-Italja

Is-Slovenja

L-Istati Uniti tal-Amerka”


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2020, C(2020)1863, ĠU C 091I, 20.3.2020, p.1.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2020, C(2020) 2215, ĠU C 112I, 4.4.2020, p.1.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2020, C(2020) 3156, ĠU C 164, 13.5.2020, p. 3.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2020, C(2020) 4509, ĠU C 218, 2.7.2020, p. 3.

(5)  ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji: Tbassir tas-Sajf 2020 (Interim) (Lulju 2020).

(7)  Il-Kummissjoni Ewropea, Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji: Tbassir tax-Xitwa 2020 (Interim) (Frar 2020).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti intrapriżi, ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

(9)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li temenda l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir, ĠU C 101I, 28.3.2020, p. 1.


ANNESS

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-lista ta’ miżuri ta’ għajnuna eżistenti awtorizzati skont il-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, li għalihom tiġi notifikata lill-Kummissjoni estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni u/jew estensjoni tal-possibbiltajiet għall-ħruġ tal-Istat mill-impenji skont it-Taqsima 3.11

Lista ta’ miżuri eżistenti u modifika prevista

Numru tal-għajnuna mill-Istat tal-miżura awtorizzata (1)

Titolu

Emenda notifikata

Ikkonferma li ma hemm l-ebda bidla oħra fil-miżura eżistenti

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  Jekk il-miżura ġiet emendata, indika n-numru tal-għajnuna mill-Istat tad-deċiżjoni inizjali ta’ awtorizzazzjoni.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

13.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 340/11


Notifika għall-attenzjoni ta’ JAMAL HUSSEIN HASSAN ZEINIYE, li ismu żdied mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3, u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da’esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1473

(2020/C 340 I/02)

1.   

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 (1) titlob lill-Unjoni biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-organizzazzjonijiet tal-ISIL (Da’esh) u tal-Al-Qaida u ta’ individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom, kif imsemmija fil-lista mfassla skont il-UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata regolarment mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont il-UNSCR 1267(1999).

Il-lista mħejjija minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi lil:

l-ISIL (Da’esh) u l-Al-Qaida;

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati mal-ISIL (Da’esh) u mal-Al-Qaida; u wkoll

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi jew huma kkontrollati minnhom, jew b’xi mod iservu ta’ appoġġ lilhom.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità huma “assoċjati mal-” ISIL (Da’esh) u mal-Al-Qaida, jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet li jsiru mill-ISIL (Da’esh) u mill-Al-Qaida jew minn kull ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata’ minnhom jew derivat tagħhom, jew flimkien magħhom, b’isimhom, f’isimhom jew b’appoġġ għalihom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat lil xi ħadd minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal kwalunkwe minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta’ appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta’ kwalunkwe minnhom.

2.   

Il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-8 ta’ Ottubru 2020 approva ż-żieda tal-entrata ta’ JAMAL HUSSEIN HASSAN ZEINIYE mal-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-ISIL (Da’esh) u tal-Al-Qaida.

JAMAL HUSSEIN HASSAN ZEINIYE jista’ jissottometti talba lill-Ombudsperson tan-NU meta jrid, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ġustifikattiva, sabiex terġa’ tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li jiġu inklużi fil-lista tan-NU msemmija hawn fuq. Talbiet bħal dawn jenħtieġ li jintbagħtu fl-indirizz li ġej:

United Nations - Office of the Ombudsperson

Room DC2-2206

New York, NY 10017

United States of America

Tel. +1 2129632671

Faks +1 2129631300/3778

Posta elettronika: ombudsperson@un.org

Għal aktar informazzjoni kkonsulta:

https://www.un.org/securitycouncil/sanctions/1267/aq_sanctions_list/procedures-for-delisting

3.   

Wara d-deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) 2020/1473 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da’esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (3). L-emenda, li saret skont l-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, iżżid l-isem ta’ JAMAL HUSSEIN HASSAN ZEINIYE mal-lista fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-persuni u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-individwi u l-entitajiet ikkonċernati, jew li huma proprjetà tagħhom jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) mit-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-disponibbiltà tal-individwi u tal-entitajiet ikkonċernati jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikoli 2 u 2a); u wkoll

(2)

il-projbizzjoni tal-għoti, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari lil kull individwu jew entità kkonċernati, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikolu 3).

4.   

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jipprovdi għal proċess ta’ rieżami fejn jiġu ppreżentati l-kummenti dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista minn dawk li jkunu elenkati. L-individwi u l-entitajiet miżjuda fl-Anness I permezz tar-Regolament (UE) 2020/1473 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex isiru jafu r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. in it-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

“Restrictive measures”

Rue de la Loi 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIUM

5.   

L-individwi u l-entitajiet ikkonċernati huma mfakkra dwar il-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament (UE) 2020/1473 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ u fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.   

Biex ikun hemm ordni tajba, l-individwi u l-entitajiet inklużi fl-Anness I huma mfakkra dwar il-possibbiltà li jagħmlu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat/i Membru/i relevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet speċjali jew pagamenti speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta’ dan ir-Regolament.


(1)  ĠU L 255 21.9.2016, p. 25.

(2)  ĠU L 334 I, 13.10.2020, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.