ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 328

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
5 ta' Ottubru 2020


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL–KUNSILL

2020/C 328/01

Pożizzjoni (UE) Nru 9/2020 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji Adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

1

2020/C 328/02

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 9/2020 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

3


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


III Atti preparatorji

IL–KUNSILL

5.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/1


POŻIZZJONI (UE) Nru 9/2020 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

Adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Lulju 2020

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 328/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-finanzjament kollettiv hija soluzzjoni ta’ teknoloġija finanzjarja li tipprovdi lill-intrapriżi żgħar u u ta’ daqs medju (SMEs) u, b’mod partikolari, lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu, b’aċċess alternattiv għall-finanzjament sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija innovattiva fl-Unjoni, u b’hekk tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din imbagħad tikkontribwixxi għal sistema finanzjarja aktar diversifikata li tkun inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju, u għalhekk tillimita r-riskji sistemiċi u ta’ konċentrazzjoni. Benefiċċji oħra tal-promozzjoni tal-intraprenditorija innovattiva permezz tal-finanzjament kollettiv huma r-rilaxx ta’ kapital iffriżat għal investiment fi proġetti ġodda u innovattivi, l-aċċellerazzjoni tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u diversifikazzjoni tal-assi.

(2)

Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti uniformi, proporzjonati u applikabbli direttament għall-forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għall-organizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, għall-operat ta’ pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, kif ukoll għat-trasparenza u l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv fl-Unjoni.

(3)

Sabiex tingħata ċertezza legali fir-rigward tal-persuni u l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) …/… u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) rispettivament, u sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-istess attività tkun soġġetta għal awtorizzazzjonijiet multipli fi ħdan l-Unjoni, jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi awtorizzati bħala fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv skont ir-Regolament (UE) …/… jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

(4)

Billi l-emenda prevista f’din id-Direttiva hija direttament marbuta mar-Regolament (UE) …/…, jenħtieġ li d-data minn meta l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva tiġi differita sabiex tikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni stabbilita f’dak ir-Regolament,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, jiżdied il-punt li ġej:

“(p)

fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv kif definiti fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa … [sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 6800/20 (2018/0048(COD)], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn [12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jinsab fid-dokument ST 6800/20 (2018/0048(COD))].

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 65.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ Lulju 2020. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’… (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’… dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L..., ... p. ...).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


5.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/3


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 9/2020 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(2020/C 328/02)

I.   INTRODUZZJONI

Fit-8 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri għall-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, flimkien mal-Komunikazzjoni “Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 - żmien li nħaffu l-proċess”. Dan il-pakkett kien jinkludi ż-żewġ proposti ta' Proċedura Leġislattiva Ordinarja li ġejjin:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fornituri ta' Servizzi ta' Finanzjament Kollettiv (ECSP) għan-Negozji; u

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjonijiet tiegħu fl-ewwel qari fis-sessjoni plenarja tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019.

Min-naħa tal-Kunsill, il-Grupp ta' Ħidma dwar is-Servizzi Finanzjarji eżamina ż-żewġ proposti f'għadd ta' laqgħat taħt diversi Presidenzi. Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ħareġ mandat biex jinnegozja ftehim mal-Parlament dwar dawn il-proposti fis-26 ta' Ġunju 2019.

Fit-18 ta' Diċembru 2019 intlaħaq qbil mal-Parlament Ewropew dwar testi ta' kompromess għar-Regolament u d-Direttiva, soġġett għal reviżjoni teknika u reviżjoni mill-ġuristi lingwisti.

Fis-7 ta' Mejju 2020 u wara t-tlestija tar-reviżjoni teknika, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew approva t-testi ta' kompromess. Fit-12 ta' Mejju 2020, il-President ta' dak il-Kumitat imbagħad iffirma ittra lill-Presidenza tal-Kunsill fejn iddikjara li, jekk il-Kunsill jadotta t-testi ta' kompromess teknikament riveduti (inkluż kwalunkwe tibdil meħtieġ mill-ġuristi lingwisti) bħala l-pożizzjonijiet tiegħu fl-ewwel qari, huwa kien ser jirrakkomanda lis-sessjoni plenarja tal-Parlament li fit-tieni qari tiegħu l-Parlament għandu japprova l-pożizzjonijiet tal-Kunsill mingħajr emendi ulterjuri. L-effett ta' dan ikun li ż-żewġ atti proposti mbagħad jitqiesu bħala li ġew adottati fil-formulazzjoni li tikkorrispondi għall-pożizzjonijiet tal-Kunsill.

Fl-20 ta' Mejju 2020, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti laħaq qbil politiku dwar it-testi ta' kompromess teknikament riveduti.

B'kont meħud tal-qbil imsemmi hawn fuq u wara reviżjoni mill-ġuristi lingwisti, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-20 ta' Lulju 2020, f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

II.   OBJETTIV

Il-finanzjament kollettiv huwa soluzzjoni tat-teknoloġija finanzjarja li tipprovdi lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikolari lin-negozji ġodda u lin-negozju li qed jespandu, aċċess alternattiv għall-finanzjament sabiex titrawwem intraprenditorija innovattiva fl-Unjoni, u b'hekk tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din imbagħad tikkontribwixxi għal sistema finanzjarja aktar diversifikata li tkun inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju, u konsegwentement tillimita r-riskji sistemiċi u ta' konċentrazzjoni. Benefiċċji oħra tal-promozzjoni tal-intraprenditorija innovattiva permezz tal-finanzjament kollettiv huma r-rilaxx ta' kapital iffriżat għal investiment fi proġetti ġodda u innovattivi, l-aċċellerazzjoni tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u d-diversifikazzjoni tal-assi.

L-għan tar-Regolament u tad-Direttiva huwa li tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tal-qafas legali applikabbli għas-servizzi ta' finanzjament kollettiv sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern f'tali servizzi filwaqt li tittejjeb il-protezzjoni tal-investitur kif ukoll l-effiċjenza tas-suq u jikkontribwixxu għall-istabbiliment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

Id-Direttiva tneħħi l-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv kif definiti fir-Regolament mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1).

IV.   KONKLUŻJONI

Il-pożizzjonijiet tal-Kunsill fl-ewwel qari għar-Regolament u d-Direttiva jirriflettu l-kompromess milħuq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjonijiet tiegħu fl-ewwel qari jikkostitwixxu pakkett bilanċjat li, ladarba jiġi adottat, ser jissodisfa l-għan li jippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-servizzi ta' finanzjament kollettiv, itejjeb il-protezzjoni tal-investitur kif ukoll l-effiċjenza tas-suq, u jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.