ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 324

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
1 ta' Ottubru 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-139 Sessjoni Plenarja tal-KtR permezz ta’ Interactio (ibrida), 30.6.2020–2.7.2020

2020/C 324/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut u l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli

1

2020/C 324/02

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020–2025 — Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha

8

2020/C 324/03

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — il-proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-dawl tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021

16

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-139 Sessjoni Plenarja tal-KtR permezz ta’ Interactio (ibrida), 30.6.2020–2.7.2020

2020/C 324/04

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles: il-perspettiva reġjonali u lokali

21

2020/C 324/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar

28

2020/C 324/06

Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-futur tal-politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta’ ambizzjoni ta’ tniġġis żero

35

2020/C 324/07

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — dwar Pjan Direzzjonali għal Idroġenu Nadif — il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal Ewropa newtrali għall-klima

41

2020/C 324/08

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja

48


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat tar-Regjuni

 

Il-139 Sessjoni Plenarja tal-KtR permezz ta’ Interactio (ibrida), 30.6.2020–2.7.2020

2020/C 324/09

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pakkett tas-servizzi: Perspettiva aġġornata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa

53

2020/C 324/10

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima: jiġi stabbilit il-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika

58

2020/C 324/11

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

74


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-139 Sessjoni Plenarja tal-KtR permezz ta’ Interactio (ibrida), 30.6.2020–2.7.2020

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut u l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli

(2020/C 324/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut u l-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss ta’ EUR 1 100 biljun u l-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea (“Next Generation EU”) ta’ EUR 750 biljun, li jistgħu jwittu t-triq għal Unjoni aktar b’saħħitha, aktar sostenibbli, koeżiva u reżiljenti. Dan jipprovdi l-ewwel rispons biex jiġi indirizzat l-impatt imminenti tal-kriżi tal-COVID-19, u biex jiġu indirizzati l-objettivi fit-tul tal-Unjoni;

2.

jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tindirizza t-tħassib tal-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u dawk li r-reġjuni tagħhom għadhom lura, filwaqt li tipprova ssib bilanċ bejn il-ħtieġa għall-għotjiet u l-effett ta’ lieva tal-istrumenti finanzjarji;

3.

jinsab imħasseb madankollu li l-proposta riveduta għall-QFP ta’ EUR 1 100 biljun hija EUR 34,6 biljun inqas mill-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 u saħansitra inqas mill-pożizzjonijiet kif imressqa mill-KtR u l-Parlament Ewropew, li jnaqqas il-kapaċità tal-UE li tindirizza l-objettivi fit-tul tal-UE. Hawnhekk, b’mod partikolari, għandu jkun hemm involviment aktar serju tal-KtR u tal-Parlament Ewropew, kif xieraq;

4.

jinnota li ż-żieda fil-marġni ta' manuvra għall-baġit tal-UE billi jiżdied temporanjament il-limitu massimu tar-riżorsi proprji b’0,6 % tal-ING tal-UE tipprovdi lill-UE b’baġit aktar adegwat għall-appoġġ tal-irkupru tal-UE filwaqt li jilħaq mal-ambizzjonijiet stabbiliti fl-aġenda strateġika tal-UE;

5.

jieħu nota tat-tħabbira tal-Kummissjoni ta’ proposti dwar riżorsi proprji ġodda potenzjali li huma marbuta mal-objettivi tal-pjan ta’ rkupru; jenfasizza, madankollu, li sentejn wara l-ewwel proposta tagħhom dwar QFP ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni għadha ma ressqitx proposti leġislattivi għal riżorsi proprji reali; itenni, f’dan ir-rigward, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta b’mod urġenti proposti leġislattivi konkreti dwar il-kwistjoni, eż. Dwar taxxa fuq il-plastik u l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet;

6.

itenni li kemm il-QFP kif ukoll il-Pjan ta’ Rkupru jridu jiffukaw fuq il-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, biex jindirizzaw sfidi kbar bħall-irkupru mill-kriżi wara l-COVID-19, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll jistimulaw il-kompetittività u jegħlbu d-disparitajiet, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura;

7.

jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw terz tal-infiq pubbliku u żewġ terzi tal-investiment pubbliku; dawn jimplimentaw 70 % tal-leġislazzjoni kollha tal-UE, 70 % tal-miżuri għall-mitigazzjoni tal-klima u 90 % tal-politiki ta’ adattament tal-klima, għalhekk, trid tittieħed deċiżjoni essenzjali dwar il-ħtieġu li jiġu involuti – fir-rigward tal-elaborazzjoni, il-konsultazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi – l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha, kif ukoll li tinbidel f’regola obbligatorja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jippermettu lill-awtoritajiet lokali biex jibbenefikaw u jużaw il-fondi għall-investimenti, bħall-Investiment Territorjali Integrat;

Koeżjoni fiċ-ċentru tal-irkupru

8.

jenfasizza l-fatt li l-impatt asimmetriku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u r-reġjuni tagħha jeħtieġ rispons politiku adegwat;

9.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jiġi żgurat ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni bħala politika ta’ investiment b’saħħitha u fit-tul tal-UE, kif ukoll l-investimenti addizzjonali permezz tal-inizjattiva l-ġdida ta’ appoġġ supplimentari msejjaħ REACT-EU u jilqa’ l-approċċ li jiżgura li l-appoġġ huwa proporzjonat mal-impatt tal-kriżi. B’dan il-mod, il-kontinwità hija essenzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali waqt li jimxu lejn fażijiet ta’ rkupru u jipprovdu appoġġ lin-nies u ż-żoni li jeħtiġuh l-aktar. B’kollox, dawn il-proposti jipprovdu reazzjoni immedjata u effettiva għall-pandemija tal-COVID-19 bil-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha; jenfasizza, madankollu, li l-flessibbiltajiet f’dan il-programm il-ġdid m’għandhomx jiġu ġestiti b’mod ċentrali u li għandhom jiġu implimentati skont il-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża, filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

10.

jappella għal aktar ċarezza fir-rigward tal-interazzjoni bejn mekkaniżmi ġodda differenti, bħal React EU, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġu evitati kumplessità addizzjonali u restrizzjonijiet nazzjonali akbar mill-Istati Membri;

11.

jinnota li l-estensjoni proposta tal-programmi operattivi attwali għandha tippermetti implimentazzjoni rapida ta’ investiment kruċjali. Jitlob li jkun hemm approvazzjoni rapida tal-proposti li għandhom l-għan li jżidu l-flessibbiltà u jwessgħu l-ambitu ta’ oqsma li jappoġġjaw, fost l-oħrajn, is-servizzi tas-saħħa, it-turiżmu, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, is-setturi kulturali u l-SMEs li jgħinu lill-bliet u r-reġjuni jinvestu l-flus fejn huwa meħtieġ l-aktar skont il-prinċipji tal-Politika ta’ Koeżjoni;

12.

jinsab imħasseb dwar in-natura temporanja ta’ wħud mir-rinforzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-iżvilupp rurali, li ma jikkorrispondux għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp fit-tul u t-tnaqqis inizjali li sar mill-Kummissjoni fil-proposti tal-2018; għalhekk jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-allokazzjonijiet nazzjonali għall-Politika ta’ Koeżjoni fl-2024 biex possibbilment iżżid EUR 10 biljun oħra għall-pakkett tal-Politika ta’ Koeżjoni mingħajr ma xi Stat Membru jitlef partijiet mill-allokazzjonijiet tiegħu;

13.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma reġgħetx lura mid-deċiżjoni tagħha li tissepara l-FAEŻR mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li huwa fil-periklu li jxekkel l-iżvilupp integrat (ferm meħtieġ) taż-żoni urbani u rurali;

14.

jiddispjaċih li s-sehem ta’ riżorsi finanzjarji huwa dirett lejn miżuri fil-livell tal-Istati Membri minflok fil-livell lokali u reġjonali, filwaqt li ħafna mill-kompetenzi għall-kura tas-saħħa, il-miżuri soċjali u r-reżiljenza huma fil-livell lokali u/jew reġjonali u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sħubija deċentralizzata u l-governanza f’diversi livelli;

15.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea biex tgħin lin-nies, il-komunitajiet u n-negozji jikkooperaw b’mod transfruntier, jegħlbu l-effetti ta’ ħsara tal-kriżi, u jaċċelleraw l-irkupru ekonomiku. Il-kollaborazzjoni se tkun essenzjali għall-irkupru, u l-mekkaniżmu ġdid Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni se jipprovdi appoġġ kruċjali għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur industrijali u tal-innovazzjoni Ewropej, f’konformità mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

16.

jilqa’ l-fatt li, fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Regolament, twettqet valutazzjoni tal-impatt territorjali adegwata tal-impatti asimmetriċi fil-livell reġjonali;

17.

jilqa’ l-fatt li qed tinżamm ir-rabta qawwija mal-objettivi ta' politika strateġiċi tal-UE (Patt Ekoloġiku, diġitalizzazzjoni) u li l-Kummissjoni qed tippreżentahom bħala għodod għal irkupru Ewropew; jiddispjaċih, madankollu, li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mhuwiex fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru tal-UE;

18.

iqis li huwa importanti li jiġi implimentat irkupru, f’konformità ma’ Politika ta’ Koeżjoni b’saħħitha, b’mod li jiġbor fih il-prinċipji ta’ sussidjarjetà attiva;

Il-Pjan ta’ Rkupru u s-Semestru Ewropew

19.

jilqa’ l-proposta ambizzjuża tal-Kummissjoni għal Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li se tippermetti appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investiment u r-riformi meħtieġa; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal aktar minn nofs l-investiment pubbliku u għalhekk għandhom ikunu jistgħu jirċievu appoġġ adegwat minn din l-inizjattiva; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza permezz ta’ programmi nazzjonali tippreżenta riskju li ma jkunx hemm informazzjoni u komunikazzjoni adegwata dwar l-intervent tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha;

20.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-koerenza tal-pjani ta’ rkupru, tevita d-duplikazzjonijiet fl-investiment u l-burokrazija żejda jew il-piżijiet amministrattivi sabiex tkun effiċjenti u tikseb l-għan komuni li tegħleb il-kriżi tal-klima, ekonomika u soċjali malajr kemm jista’ jkun;

21.

jenfasizza li r-rabta qawwija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għas-Semestru Ewropew mas-Semestru Ewropew iżżid l-urġenza għal riforma profonda tas-Semestru Ewropew u tal-governanza ekonomika tal-UE lejn proċess trasparenti, inklużiv u demokratiku. Jekk is-Semestru Ewropew jibqa’ ma jiġix riformat, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ twassal għal aktar ċentralizzazzjoni, approċċ minn fuq għal isfel tal-pjani ta’ rkupru u r-ritorn ta’ politiki li ma jqisux il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost u fi ħdan l-Istati, u jfixlu l-investiment pubbliku urġenti meħtieġ b’mod urġenti għall-irkupru sostenibbli tal-UE;

22.

jemmen, għalhekk, li s-Semestru Ewropew għandu jintegra l-prinċipji tas-sħubija, l-governanza f’diversi livelli u d-dimensjoni territorjali, jekk għandu jsir mekkaniżmu eżekuttiv leġittimu u effiċjenti. L-implimentazzjoni tal-proposta tal-KtR għal Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment fis-Semestru Ewropew, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali u fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-livell Ewropew, hija għalhekk urġenti aktar minn qatt qabel;

23.

jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-irkupru tal-UE kif ukoll ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tiegħu permezz ta’ aġġornament tal-InvestEU u l-ħolqien tal-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku;

24.

jilqa’ l-proposta għal Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza ġdid, li se jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE billi jinċentiva l-investimenti privati u jħejji kumpaniji minn madwar l-ekonomija kollha għal futur newtrali fil-karbonju u b’kapaċità diġitali. Jeħtieġ li dan jiġi implimentat malajr, u jintlaqgħu b’sodisfazzjon linji gwida li b’mod ċar jallinjaw l-investimenti mal-prijoritajiet tal-UE, sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu li jgħin lin-negozji li jkunu vijabbli f’sitwazzjoni aħjar ikampaw fil-kriżi attwali; jenfasizza li dan l-appoġġ irid jingħata skont kriterji trasparenti li jqisu mhux biss l-impatt speċifiku fuq is-settur u r-reġjun iżda wkoll l-appoġġ finanzjarju pubbliku li kieku jirċievi mod ieħor;

Unjoni aktar reżiljenti u aktar ekoloġika

25.

jilqa’ ż-żieda sostanzjali fil-pakkett tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) għar-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi kbar fit-tranżizzjoni tal-enerġija, li ġġib l-ammont globali tal-JTF għal EUR 40 biljun; jitlob, madankollu, jappella li r-reġjuni għandhom jitqiesu peress li, bi stennija ta’ miżuri regolatorji effettivi għall-protezzjoni tal-klima, investew minn kmieni u b’mod estensiv f’enerġiji rinnovabbli u f’teknoloġiji ta’ enerġiji rinnovabbli u se jkomplu jagħmlu dan; jiġbed l-attenzjoni għall-kuntest speċifiku ta’ reġjuni dipendenti fuq il-fjuwils fossili u b’sistemi enerġetiċi iżolati, bħal fil-każ tal-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi; jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE jmorru ferm lil hinn minn dak li ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea;

26.

jilqa’ l-Programm EU4Health awtonomu li jiswa EUR 7,7 biljun f’riżorsi addizzjonali, li jġib it-total globali ta’ EUR 9,4 biljun bħala parti mit-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa f’konformità mat-talbiet politiċi reċenti tal-KtR; jinsisti li l-istrument għandu jibqa’ impenn kostanti fir-rigward tas-saħħa fil-baġit tal-UE u mhux biss strument temporanju fi ħdan il-QFP 2021-2027;

27.

jappella għal tisħiħ ulterjuri tal-aspetti reġjonali u lokali f’miżuri relatati mas-saħħa, speċjalment dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera u dik fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jinnota li, minħabba n-natura deċentralizzata tas-sistemi tas-saħħa f’xi każi, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jinvolvu l-gvernijiet reġjonali aktar mill-qrib fir-risponsi tas-saħħa ta’ emerġenza u jsegwu l-parir tagħhom dwar l-allokazzjoni ta’ fondi;

28.

jilqa’ r-rinforz ta’ EUR 2 biljun tar-rescEU għall-iżvilupp ta’ kapaċità permanenti biex jiġu ġestiti t-tipi kollha ta’ kriżijiet, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti infrastruttura ta’ rispons ta’ emerġenza, kapaċità ta’ trasport u timijiet ta’ appoġġ ta’ emerġenza. Jinsisti li strument temporanju ta’ darba mhux se jkun biżżejjed u li huwa meħtieġ impenn fit-tul flimkien ma’ baġit imsaħħaħ; jilqa’ l-impenn mill-Kummissjoni, fi spirtu ta’ tħejjija, li titgħallem mil-lezzjonijiet tal-pandemija attwali u ssaħħaħ il-programmi, inklużi, iżda mhux biss, rescEU u Orizzont Ewropa;

29.

jaqbel mal-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet ta’ rispons ta’ emerġenza u ta’ diżastru tal-UE u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-għodod ta’ emerġenza tagħha, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u r-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, u biex tagħmilhom aktar flessibbli. Jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ ukoll li l-għodod u l-miżuri proposti jqisu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi fil-livell lokali u reġjonali, speċjalment f’żoni partikolarment vulnerabbli bħar-reġjuni ultraperiferiċi;

30.

ifakkar fil-valur miżjud tat-territorji rurali għas-suċċess tal-proġett Ewropew u b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet estremi. Ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa, anke għall-bqija tal-popolazzjoni Ewropea. L-emerġenza attwali titlob bidliet fil-paradigma soċjali, ekonomika u territorjali biex jitnaqqas id-distakk u biex tinħoloq rabta aħjar u titrawwem il-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

31.

jiddispjaċih dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqas il-baġit tal-FAEŻR meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, li jmur kontra l-objettiv tal-UE ta’ koeżjoni territorjali. Jilqa’ l-EUR 15-il biljun f’appoġġ addizzjonali previsti għall-iżvilupp rurali; jenfasizza, madankollu, li din iż-żieda żgħira ma tikkumpensax għat-tnaqqis fil-baġit ta’ 28 % propost mill-Kummissjoni fl-2018 għall-FAEŻR; jiddispjaċih ukoll li l-Kummissjoni Ewropea fil-proposta riveduta għall-QFP naqqset il-finanzjament għall-Politika Agrikola Komuni b’9 % meta mqabbla mal-QFP għall-2014-2020;

32.

jitlob li jiżdied il-baġit tal-POSEI, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, u li jitreġġa’ lura t-tnaqqis propost mill-Kummissjoni għall-perjodu 2021-2027;

33.

jissottolinja li l-finanzjament għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għandu jirrifletti l-ħtiġijiet u l-ambizzjoni tal-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u dik għall-Bijodiversità li ġew ippubblikati dan l-aħħar u jappoġġja lill-bdiewa u liż-żoni rurali biex jagħmlu l-bidliet strutturali meħtieġa għal tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli; madankollu, l-Istrateġija għall-Bijodiversità teħtieġ għodod konkreti, finanzjament robust u jeħtieġ li tiġi żviluppata flimkien mar-reġjuni u l-bliet, li se jkollhom ukoll jimplimentawha;

34.

jenfasizza l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għas-soluzzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea, li se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, f’dak li jirrigwarda l-iskadenza għall-użu tal-allokazzjonijiet annwali mill-programmi tal-UE, il-livell ta’ prefinanzjament u, b’mod partikolari, il-kofinanzjament ta’ proġetti;

35.

jilqa’ ż-żieda ta’ EUR 10,5 biljun fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) meta mqabbla mal-aħħar proposta tal-QFP, li ġġib l-istrument għal EUR 86 biljun, li minnhom EUR 1 biljun se jkunu diġà disponibbli fl-2020;

36.

jappoġġja l-intenzjoni li jiġi stimulat it-tkabbir wara l-pandemija billi jsir investiment fl-infrastruttura kritika tat-trasport u l-konnessjonijiet transfruntiera biex tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika lejn mobilità b’emissjonijiet żero, speċjalment billi jinbnew miljun punt ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Jinnota li d-disponibbiltà ta’ fjuwils nodfa hija importanti għall-koeżjoni territorjali u soċjali, u d-domanda aktar baxxa fiż-żoni rurali u insulari għandha tiġi kkumpensata bi skema speċjali, simili għall-programm WiFi4EU għaż-żoni rurali;

37.

jiddispjaċih li l-bażi ġenerali tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri l-ġdid, li hija li jiġu ffinanzjati sforzi għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE u li titħeġġeġ ċittadinanza Ewropea attiva, ma ġietx miżjuda biex tilqa’ l-isfidi enormi f’dan ir-rigward f’xi Stati Membri;

38.

ifakkar li l-Patt Ekoloġiku tfassal bħala strateġija ta’ trasformazzjoni li tipproteġi l-ambjent, u għaldaqstant l-għajxien tagħna; jenfasizza li l-enerġiji rinnovabbli, it-teknoloġiji nodfa, l-ekonomija ċirkolari u t-trasformazzjoni diġitali huma opportunità ekonomika u industrijali kbira biex iwasslu t-tkabbir u l-impjiegi u joħolqu mudell ta’ prosperità ġdid;

39.

jirrimarka li l-KtR jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku u l-iżvilupp tal-Patt Klimatiku permezz ta’ miżuri u inizjattivi kkoordinati u trasversali li jiżguraw il-kunsiderazzjoni dovuta tal-governanza f’diversi livelli u d-diversità territorjali u l-prinċipju li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla barra; iqis li r-reġjuni u l-bliet jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jaċċelleraw il-proċess permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet, inklużi l-akkwist pubbliku, ir-rinnovazzjoni tal-bini, it-trasport nadif, il-ġestjoni aħjar tal-iskart, u l-aġġornament diġitali u t-trasformazzjoni lejn turiżmu sostenibbli;

40.

f’dan il-kuntest, jitlob li jkun hemm strumenti addizzjonali li jagħtu aċċess dirett għall-fondi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-azzjonijiet sostenibbli tagħhom taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, bħal pereżempju European City Facility taħt il-Programm Orizzont 2020;

41.

jappella għal użu aktar flessibbli tar-riżorsi ġodda tal-QFP sabiex jiġu vvalutati u adattati l-ispejjeż reali assoċjati mat-tranżizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-irkupru ekoloġiku, u jinkoraġġixxi l-inizjattivi kollaborattivi ta’ innovazzjoni pubbliċi-privati xprunati mill-bliet u r-reġjuni;

42.

jappella li l-finanzjament tal-UE jkun dejjem soġġett għall-valutazzjoni tal-impatt mill-perspettiva tal-klima u s-sostenibbiltà. Is-sussidji, l-għajnuna u l-programmi ta’ appoġġ li b’mod dirett jew indirett jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jiġu rieżaminati għall-koerenza tagħhom fir-rigward tal-objettivi klimatiċi u tas-sostenibbiltà;

43.

jinsab imħasseb dwar id-distakk fl-investiment tat-trasformazzjoni ekoloġika, li ġie stmat dan l-aħħar għal EUR 470 biljun fis-sena; jenfasizza li hemm bżonn urġenti ta’ pjan dettaljat dwar kif tiġi ffinanzjata din id-diskrepanza massiva;

44.

jilqa’ l-proposta ta’ “Mewġa ta' Rinnovazzjoni” u jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat u l-involviment tal-katina tal-valur kollha sabiex jiġi xprunat l-irkupru. Fid-dawl tad-differenzi estremi bejn it-territorji, ir-reġjuni u l-bliet għandhom jingħataw l-awtonomija li jippjanaw u speċjalment fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-pjani tagħhom, kif ukoll aċċess dirett għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. It-taħriġ u l-qsim tal-għarfien għandhom ikunu wkoll parti mill-qafas Ewropew għall-promozzjoni ta’ sinerġiji li għandhom jiġu sfruttati u biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-fondi;

Unjoni orjentata lejn il-futur

45.

jilqa’ r-rinforz ta’ Orizzont Ewropa b’EUR 7,8 biljun, Ewropa Diġitali b’EUR 1,5 biljun u t-Trasport tal-FNE b’EUR 1,5 biljun. Il-flus ta’ riċerka żejda, speċjalment fis-saħħa, l-ekonomija ekoloġika u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, għandhom impatt lokali b’mod ċar; jirrimarka li ħafna awtoritajiet reġjonali huma responsabbli għall-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka u għalhekk jistgħu jigwadanjaw indirettament minn dawn il-programmi; jinnota li l-finanzjament għar-riċerka jrid jingħata fuq bażi kompetittiva biex tiġi żgurata s-sopravivenza fis-suq globali tar-riċerka u l-innovazzjoni u biex jissaħħu l-konsorzji Ewropej tar-riċerka;

46.

jinsab imħasseb, madankollu, dwar it-tnaqqis persistenti fil-fergħa tal-Enerġija u dik Diġitali tal-FNE;

47.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Fond Soċjali Ewropew Plus sabiex jissaħħaħ l-appoġġ għall-miżuri li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar fost it-tfal kif ukoll l-enfasi addizzjonali fuq l-appoġġ tal-forza tax-xogħol fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-irduppjar tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

48.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li, tal-anqas sa ċertu punt, issaħħaħ l-investiment fiż-żgħażagħ u fis-setturi kulturali u kreattivi billi żżid EUR 3,4 biljun għall-programm ERASMUS u EUR 150 miljun għall-programm Ewropa Kreattiva; jinsab, madankollu, imħasseb li dawn iż-żidiet għadhom ma jissodisfawx bis-sħiħ il-proposti tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2018 u jsostni d-domanda tiegħu biex jittrippla l-għadd ta’ parteċipanti fil-programm ERASMUS (1) u għal EUR 2 biljun għall-programm Ewropa Kreattiva (2);

49.

ifaħħar l-attenzjoni speċjali mogħtija lill-kultura, lill-wirt kulturali, lis-setturi awdjoviżivi u kreattivi, li flimkien mat-turiżmu ntlaqtu ħafna mill-kriżi u jappoġġja l-fatt li dawn jistgħu jibbenefikaw mill-inizjattiva REACT-EU;

50.

jitlob li, bħala parti mill-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-UE, jiġi previst qafas adatt, fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ żmien, għar-reġjuni li huma inqas diversifikati mil-lat ekonomiku u huma speċjalizzati fl-iżjed setturi affettwati mill-impatt tal-kriżi tal-COVID-19;

51.

jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tal-politiki edukattivi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi aġġornat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali li huwa meħtieġ għall-perjodu ta’ wara l-COVID-19, sabiex jgħin lir-reġjuni u lir-reġjuni inqas żviluppati jkunu ppreparati u mgħammra tajjeb għall-edukazzjoni diġitali, li tkun ta’ appoġġ, minn dan il-lat, għal dawk iż-żoni li huma l-aktar affettwati mid-distakk diġitali;

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli (3)

52.

jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 ma tistax titħalla tfixkel l-ambizzjonijiet tal-Ewropa biex timplimenta l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u ssir newtrali mil-lat ta’ klima sal-2050, li huma realistiċi biss jekk jimxu id f’id mal-mezzi finanzjarji adegwati u qafas fiskali u regolatorju adegwat;

53.

jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li timmobilizza EUR 1 triljun ta’ investimenti privati u pubbliċi sostenibbli tul l-għaxar snin li ġejjin, iżda huwa mħasseb li: (a) dan ikun jirrappreżenta biss sehem relattivament żgħir tal-investimenti globali meħtieġa, li l-Kummissjoni Ewropea stess tistma għal EUR 260 biljun fis-sena sal-2030; (b) din l-istima hija limitata għal investiment relatat mal-klima u l-enerġija, u għaldaqstant, il-kisba ta’ objettivi ta’ sostenibbiltà usa’, inklużi investimenti kapitali soċjali u umani, tkun teħtieġ ammonti akbar; (c) iċ-ċifra nominali ta’ EUR 1 triljun fil-biċċa l-kbira ma tiddependix fuq fondi jew inizjattivi ġodda “addizzjonali” iżda pjuttost fuq politiki u strumenti tal-UE li għadhom għaddejjin jew li huma ppjanati diġà;

54.

jiddeplora l-fatt li ċ-ċifra ewlenija tal-Pjan tidher sopravalutata, filwaqt li l-Pjan innifsu jidher li hu sottofinanzjat u limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni, u jinjora l-aspetti soċjoekonomiċi kruċjali;

55.

jirrimarka li, mill-enerġija għat-trasport jew għall-akkomodazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi kruċjali biex iwettqu l-investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà; jemmen għalhekk li l-objettivi tal-Pjan ma jistgħux jitwasslu mingħajr l-involviment effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jiddispjaċih li dan il-fatt ma jidhirx li huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni;

56.

jemmen li l-investiment fit-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli jeħtieġ sistema finanzjarja u fiskali li tinċentiva l-investituri biex jagħmlu investimenti sostenibbli; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni dwar finanzi sostenibbli iżda jfakkar fil-ħtieġa li jiġi estiż malajr il-qafas regolatorju biex ikopri wkoll is-sostenibbiltà soċjali (4);

57.

jemmen bis-sħiħ li, permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet adegwati, it-tassazzjoni tista’ twassal għal imġiba sostenibbli mill-produtturi, l-utenti u l-konsumaturi u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta malajr il-leġislazzjoni proposta dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu aktar immirat tar-rati tal-VAT biex jirriflettu żieda fl-ambizzjonijiet ambjentali;

58.

jesprimi kawtela fir-rigward tal-pjani tal-Kummissjoni li tintroduċi leġislazzjoni ġdida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku; għalkemm jista’ jkun għodda utli f’dan ir-rigward, ħafna awtoritajiet pubbliċi għadhom qed jaħdmu fuq l-adattament għall-qafas attwali wara r-riforma tal-2014, għalhekk rekwiżiti leġislattivi ulterjuri għandhom jinżammu sempliċi iżda effettivi (5); jilqa’ b’sodisfazzjon l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li l-linji gwida riveduti futuri dwar l-għajnuna mill-Istat se jippermettu aktar flessibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi biex jinkoraġġixxu u jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli;

59.

jemmen bis-sħiħ li, b’kont meħud tat-tagħlimiet miksuba mis-sospensjoni tagħhom b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, ir-regoli fiskali tal-UE għandhom jintegraw aħjar l-għanijiet ta’ sostenibbiltà fit-tul tal-UE;

60.

jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi dedikati biex jiġu kkomunikati b’mod faċli l-opportunitajiet ġodda tal-QFP liċ-ċittadini kif ukoll lill-miljun politiku elett lokali u reġjonali fl-UE fi sforz kollettiv tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Opinjoni tal-KumitatEwropew tar-Reġjuni dwar “Erasmus — il-programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport” (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 49).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ewropa Kreattiva u Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura” (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 37).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. (COM(2020) 21 final).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 24).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 43).


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/8


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-2020–2025 — Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini permezz tal-villaġġi, il-bliet u r-reġjuni tagħha

(2020/C 324/02)

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) huwa l-assemblea politika minquxa fit-Trattati tal-UE, li tipprovdi rappreżentazzjoni istituzzjonali għaż-żoni territorjali, ir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet kollha.

Unjoni Ewropea li tqis il-ħtiġijiet u t-tħassib lokali u reġjonali żżid il-leġittimità demokratika, ittejjeb is-sjieda u tikseb valur miżjud akbar, kemm għall-politiki tal-UE kif ukoll għall-effettività tagħhom fil-prattika, u b’hekk tipprovdi benefiċċju għaċ-ċittadini. Għal dan il-għan, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Istati Membri fil-livelli differenti tal-gvern. L-istat attwali tal-UE jirrikjedi li din il-kooperazzjoni tissaħħaħ kontinwament u li l-vuċi tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet tkun dejjem aktar preżenti fil-politika u l-iżvilupp leġislattiv tal-UE.

Mill-kriżi għall-irkupru: lejn Unjoni Ewropea reżiljenti, sostenibbli u koeżiva

F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea ffaċċjat sfidi bla preċedent: kriżi finanzjarja serja u reċessjonijiet ekonomiċi severi, sfidi soċjali u territorjali, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, instabbiltà fil-viċinat tagħha u fis-sistema globali, u l-migrazzjoni. Il-pandemija tal-COVID-19 qed tkompli tittestja s-solidarjetà tal-UE u poġġiet taħt il-lenti l-kapaċità tagħna li nkampaw f’emerġenzi li jpoġġu pressjoni konsiderevoli fuq is-servizzi tas-saħħa, soċjali u pubbliċi tagħna. Din l-iżjed kriżi reċenti wriet mhux biss il-bżonn li jiġi adottat rispons ikkoordinat, sostnut minn baġit tal-UE li hu ferm aktar qawwi, iżda wkoll il-bżonn li jiġu appoġġjati aktar il-miljun awtorità lokali u reġjonali tal-Ewropa li qed jaħdmu fl-aktar ambjenti esposti sabiex jipproteġu liċ-ċittadini u lill-ekonomiji lokali u jwieġbu għall-emerġenzi (1).

L-UE trid issir aktar reżiljenti soċjalment, ekonomikament u ambjentalment fir-reġjuni u l-bliet kollha tagħha. Jeħtieġ li tiżgura li l-politiki u l-programmi tagħha jissodisfaw il-bżonnijiet tal-komunitajiet lokali, bis-saħħa ta’ investiment Ewropew iffinanzjat kif imiss. Il-bliet u r-reġjuni huma l-muturi tal-ekonomija Ewropea. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, u huwa għalhekk li l-UE trid tinvolvi aħjar u b’mod aktar b’saħħtu lill-bliet u lir-reġjuni fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli li jkun prattiku u organizzat tajjeb. Jeħtieġ li l-Ewropa taċċellera d-diġitalizzazzjoni u tagħti spinta lill-kapaċità ta’ innovazzjoni bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE kollha. Irkupru aktar mgħaġġel u ġust jirrikjedi solidarjetà, responsabbiltà u sħubijiet Ewropej akbar, xprunati mill-impenn tal-UE għal tkabbir ekoloġiku, sostenibbli u territorjalment ibbilanċjat li jappoġġja lil kull reġjun u belt.

Għalhekk, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ser jiffoka fuq il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin b’miżuri ewlenin matul il-mandat attwali tiegħu ta’ ħames snin (2020-2025):

Inressqu lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini tagħha: insaħħu d-demokrazija tal-UE u naħdmu flimkien fuq il-ġejjieni tal-Unjoni tagħna

Il-missjoni tal-KtR hija li jġib lill-Ewropa eqreb taċ-ċittadini tagħha u li jsaħħaħ id-demokrazija Ewropea fil-livelli kollha, sabiex il-bżonnijiet tan-nies jiġu sodisfatti b’mod aktar effiċjenti u sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha. Il-KtR ser jaħdem biex jiżgura li r-reġjuni, il-bliet, l-irħula u l-villaġġi kollha jiġu appoġġjati mill-UE biex jindirizzaw il-konsegwenzi fuq terminu qasir u twil tal-pandemija tal-COVID-19. Il-KtR ser ikompli jtejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni tal-UE u jantiċipa aħjar l-impatt territorjali tagħha u jippromovi l-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva. Biex iwettaq din il-missjoni, il-KtR ser juża l-ħidma leġislattiva, politika u strateġika tal-membri tiegħu u tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, il-KtR ser jiżviluppa kampanja ta’ komunikazzjoni ffokata fuq ir-rwol fundamentali tal-gvernijiet lokali u reġjonali fid-demokrazija Ewropea, li se tinkludi t-tħejjija tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u li jagħmel kontribut għaliha. Barometru Lokali u Reġjonali Annwali, li ser ikun ibbażat fuq evidenza statistika soda u fuq approċċ inklużiv li jinvolvi l-membri tiegħu u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, u li ser jinkludi dibattitu plenarju politiku ta’ livell għoli, ser ikun punt ta’ referenza annwali u għalhekk se jikkontribwixxi għal dan l-għan.

F’dan ir-rigward, il-KtR ser jipprijoritizza l-miżuri ewlenin li ġejjin:

1.

Jippromovi sensibilizzazzjoni u azzjoni fil-livell lokali u reġjonali dwar il-valuri fundamentali tal-UE tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li jeħtieġ li jiġu mħarsa u rrispettati anke fi żminijiet ta’ emerġenza. Il-KtR jimpenjaruħu li jidentifika r-reazzjonijiet lokali u reġjonali adatti għall-mod kif taħdem l-UE u li jinvolvi liċ-ċittadini permezz tal-membri tiegħu, sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-komunitajiet lokali;

2.

Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu biex jipparteċipa bis-sħiħ u jkun irrappreżentat b’mod ġust fil-korpi kollha tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Bħall-kriżijiet tal-ekonomija u tal-klima, il-pandemija wriet li hemm bżonn aktar minn qatt qabel li ssir riflessjoni profonda dwar id-demokrazija u l-politiki tal-Ewropa, u l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ser tkun opportunità essenzjali biex l-UE tiġi diskussa bħala proġett maċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll biex jiġi propost, qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin, mod ġdid ta’ ħidma għall-UE, inkluża r-reviżjoni tat-Trattati bil-għan li l-bliet u r-reġjuni jiġu involuti b’mod sħiħ fit-tfassil tal-politika;

3.

Jitlob lill-Istati Membri tal-UE u lill-istituzzjonijiet tagħha jirrispettaw, jibnu fuq u jsaħħu l-impenji maqbula fid-Dikjarazzjoni ta’ Berlin tal-2007 u fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-2017, jiġifieri l-għarfien li l-kompiti u l-kooperazzjoni għandhom jinqasmu bejn il-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex l-Unjoni Ewropea ssir aktar effettiva, magħquda, demokratika u reżiljenti. It-test finali tal-pożizzjoni konġunta dwar il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għandu jiġi adottat fl-ispirtu tal-kooperazzjoni istituzzjonali;

4.

Jiżviluppa mudell għal djalogu permanenti u strutturat maċ-ċittadini permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn minnha, biex isir possibbli proċess ta’ komunikazzjoni bidirezzjonali bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE. F’dan ir-rigward, l-esperjenza estensiva u l-aħjar prattiki eżistenti tad-demokrazija deliberattiva fil-livell lokali u reġjonali u l-ħafna networks ta’ kunsilliera lokali u reġjonali eletti huma assi ewlenin, li l-KtR ser jippreżenta fid-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;

5.

Jappoġġa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jagħmlu l-aħjar użu mill-istrumenti tat-teknoloġija diġitali u l-għodod tal-ICT il-ġodda. It-teknoloġiji diġitali għandhom potenzjal sinifikanti għal soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi ta’ żmienna. B’dan il-mod, dawn jistgħu jtejbu l-provvista ta’ servizzi pubbliċi, jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn in-nies, iżidu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini b’modi ġodda u differenti, itejbu t-trasparenza, l-inklużività, ir-responsabbiltà u r-reattività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, itejbu l-governanza lokali, u jikkomplementaw u jsaħħu d-demokrazija. Għal din ir-raġuni, ir-reżiljenza u l-indipendenza tas-sistemi diġitali u l-fornituri tagħhom għandhom jittejbu b’mod sostanzjali;

6.

Jippromovi d-diversità, permezz tal-promozzjoni ta’ miżuri ta’ inklużività u ta’ ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru (2), ir-razza u l-oriġini etnika (3), ir-reliġjon, id-diżabilità, l-età (4) u d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali, kemm fi ħdan il-KtR kif ukoll lil hinn minnu;

7.

Jipparteċipa b’mod attiv fil-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi li l-Kummissjoni Ewropea se tniedi biex isservi bħala pjattaforma għal entitajiet lokali u reġjonali biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar dan is-suġġett;

8.

Jappoġġja u jsaħħaħ il-minoranzi fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tal-inizjattiva Minority SafePack;

9.

Isir il-punt ta’ referenza għall-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha fl-Ewropa, inklużi dawk li mhumiex membri tal-KtR, billi jsaħħaħ l-identità politika u r-relazzjonijiet tal-KtR kif ukoll isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-familji politiċi ewlenin, mal-gvernijiet nazzjonali, mar-rappreżentanti eletti fil-livell lokali u reġjonali, mal-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u mal-uffiċċji reġjonali fi Brussell;

10.

Jappoġġja d-demokrazija rappreżentattiva permezz ta’ interazzjoni aktar b’saħħitha mal-parlamenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-għodod li jistimulaw id-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva, fosthom il-baġits parteċipattivi. L-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-governanza tajba għandhom ikunu prerekwiżiti għall-fondi tal-UE;

11.

Juża analiżijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-monitoraġġ u l-promozzjoni tad-devoluzzjoni tal-kompetenzi lokali u reġjonali u l-finanzi subnazzjonali, kif ukoll tal-funzjonament tad-demokrazija lokali fl-UE;

12.

Joħloq għodod diġitali għall-immappjar tal-politika u tal-kompetenzi finanzjarji, bl-użu ta’ sinerġiji mal-għodod eżistenti tal-organizzazzjonijiet tal-UE, u dawk nazzjonali u internazzjonali;

13.

Jappoġġja u jippromovi x-xogħol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali l-aktar esposti fil-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali. Il-pandemija qed turi l-importanza li jiġi applikat kif imiss il-prinċipju tas-sussidjarjetà attiva, kif ukoll ir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali minn naħa, u l-ħtieġa għal koordinazzjoni u appoġġ fil-livell Ewropew min-naħa l-oħra;

14.

Jeżamina fid-dettall l-inizjattivi ġodda tal-politika tal-UE sabiex jiżgura li dawn jinkorporaw dimensjoni territorjali u jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ valur miżjud tal-UE, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-“Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li ‘Nagħmlu Anqas b’Aktar Effiċjenza’” u l-“Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar”;

15.

Inaqqas il-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni għar-reġjuni u l-bliet billi jinsisti fuq is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni u jwissi kontra l-prattika tar-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) b’mod aktar ġenerali;

16.

Isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill Ewropew, inkluż permezz tan-network taċ-Ċentri Reġjonali u tal-Pjattaforma Fit for Europe, sabiex titjieb l-effettività tat-tfassil tal-politika tal-UE permezz ta’ feedback ibbażat fuq l-evidenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali;

17.

Jippromovi l-importanza tal-awtonomija lokali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fil-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE u fil-pajjiżi msieħba tal-viċinati tal-Lvant u tal-Mediterran;

18.

Jappoġġja l-azzjoni globali tal-UE billi jippromovi valuri u prinċipji bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp sostenibbli u l-inklużività soċjali, fost oħrajn, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba Mediterranji u tal-Lvant tiegħu;

19.

Iħeġġeġ lill-parlamenti reġjonali jinvolvu ruħhom fil-proġett pilota KtR-CALRE biex jiġġeneraw dibattiti politiċi dwar kwistjonijiet ewlenin tal-UE, bħat-tħejjija tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni Ewropea;

20.

Jiżgura li l-UE tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-involviment effettivi taż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni strutturata mal-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ, issaħħaħ miżuri bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ sabiex jitjiebu l-prospetti għal impjieg u edukazzjoni ta’ kwalità għolja, u tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal;

21.

Jissokta l-kooperazzjoni mal-Politiċi Eletti Żgħażagħ fi ħdan il-qafas tal-programm Politiċi Eletti Żgħażagħ tal-KtR, sabiex għall-ġenerazzjonijiet futuri jinbnew rabtiet ta’ politiċi lokali u reġjonali eletti mal-proċessi tat-tfassil tal-politika Ewropej u nazzjonali;

22.

Jippromovi d-diversità kulturali tal-identitajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej tagħna u l-lingwi u t-tradizzjonijiet differenti li jifformaw il-wirt kulturali Ewropew tagħna. Jenfasizza li s-setturi kulturali u kreattivi, li għandhom posthom fl-ekonomija lokali bħala impjegaturi iżda wkoll fil-ħajja soċjali tal-komunitajiet, intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija u jeħtieġu appoġġ. jikkontribwixxi għal Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura, inkluża l-integrazzjoni tal-investiment fil-kultura fil-fondi differenti tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-kultura u politiki oħrajn bħat-turiżmu, il-politika reġjonali, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Nifhmu t-trasformazzjonijiet profondi fis-soċjetà li l-isfidi diġitali, ambjentali u demografiċi joħolqu għall-bini ta’ komunitajiet reġjonali u lokali reżiljenti, u nirreaġixxu għalihom.

It-tranżizzjonijiet klimatiċi u diġitali attwali, it-trasformazzjonijiet demografiċi u l-konsegwenzi tal-flussi migratorji interni u esterni qed ikollhom impatt profond fuq ir-reġjuni, il-bliet, l-irħula u l-villaġġi Ewropej kollha. Għal din it-tieni prijorità, il-missjoni tal-KtR ser tkun li janalizza u jidentifika soluzzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jindirizzaw dawn it-trasformazzjonijiet fis-soċjetà fil-postijiet fejn jgħixu n-nies. Il-pandemija tal-COVID-19 tirrikjedi riflessjoni dwar ir-rispons adatt għal dawn l-isfidi, hekk kif l-Ewropa u l-Istati Membri juru sa fejn lesti jaslu biex isalvaw il-ħajjiet u l-ekonomija. Din il-kriżi żiedet il-ħtieġa għal riflessjoni profonda dwar il-politiki, il-kompetenzi u l-funzjonament ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-KtR għalhekk jistenna bil-ħerqa d-dibattitu importanti dwar il-politiki kollha tal-UE, b’rabta mal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, u li jiġu rieżaminati u vvalutati b’mod aktar ġenerali, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sabiex iwettaq din il-missjoni, il-KtR ser juża l-ħidma leġislattiva u politika u dik marbuta mat-tfassil tal-politika tal-membri tiegħu u tal-partijiet ikkonċernati, u se jikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u jilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Dan ser jiġi kkomplementat minn kampanja ta’ komunikazzjoni mmexxija mill-KtR. Il-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali ser jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq ta’ din il-prijorità.

Il-KtR ser jipprijoritizza l-miżuri ewlenin li ġejjin:

23.

Jippromovi pjan għall-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19 ibbażat fuq l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali, kif ukoll fuq l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

24.

Jikkontribwixxi għall-miri tat-tnaqqis tal-karbonju tal-2030, bil-għan li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050, billi jinkoraġġixxi azzjoni lokali u reġjonali ambizzjuża u deċiżiva permezz tal-Patt Klimatiku u inizjattivi lokali u reġjonali rilevanti oħra dwar l-iżvilupp sostenibbli;

25.

Jippromovi l-użu ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u strumenti oħra li jżidu s-sħubijiet Ewropej u l-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jittejbu l-kompetenzi professjonali u l-opportunitajiet ta’ kwalifika f’oqsma, postijiet tax-xogħol u teknoloġiji li huma meħtieġa biex jiżdiedu s-sostenibbiltà, il-valur miżjud u r-reżiljenza fil-livell lokali u reġjonali;

26.

Jikkontribwixxi għal politika ambjentali tal-UE ambizzjuża, filwaqt li jiżgura l-integrazzjoni tal-politika fil-qafas tal-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali kollha. Jiżgura li d-dimensjoni lokali u reġjonali tiġi kkunsidrata kif imiss fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tat-tliet prijoritajiet ambjentali ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew: il-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari u t-tniġġis żero. Jippjana politiki dwar l-ambjent u l-klima li huma adatti għall-implimentazzjoni prattika f’kull xorta ta’ komunità;

27.

Isawwar u jappoġġja l-iżvilupp tal-Patt Klimatiku permezz ta’ miżuri u inizjattivi koordinati u trasversali, inkluż permezz ta’ kontributi stabbiliti fil-livell lokali u impenji politiċi fil-livell tar-reġjuni u l-bliet, bil-għan li jiġi żgurat li huwa jibni fuq il-governanza f’diversi livelli, it-tixrid effettiv ta’ prattiki tajbin, u li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura;

28.

Jantiċipa kif it-trasformazzjonijiet enerġitiċi, mobbli u diġitali ser jaffettwaw il-komunitajiet tagħna. Jifformula strateġiji u jappoġġja l-implimentazzjoni rapida tagħhom sabiex jimmassimizza l-effetti pożittivi tagħhom u jnaqqas l-impatti lokali negattivi tagħhom;

29.

Jappoġġja r-reżiljenza lokali permezz tal-adattament għat-tibdil fil-klima, u jżid il-kapaċità lokali ta’ rispons għal avvenimenti ta’ temp estrem li jseħħu bi frekwenza u severità akbar, b’mod partikolari billi jipprovdi r-riżorsi neċessarji lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jimmaniġġjaw id-diżastri permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u billi jagħmel użu minn Fond imsaħħaħ ta’ Solidarjetà tal-UE;

30.

Jikkontribwixxi għat-tħejjija tal-għan ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, u jipprepara u jappoġġja lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-miri ambizzjużi tal-UE għal pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija. Jikkontribwixxi għar-reieżami tal-pakkett dwar il-mobbiltà urbana abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli u jipprepara lill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku biex jirrispondu għal theddid eżoġeniku għall-provvista ta’ servizzi ta’ mobbiltà siguri u mingħajr periklu.

31.

Jiżgura li l-vuċi u l-kontributi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkunsidrati kif dovut fid-djalogi dwar il-klima u l-enerġija f’diversi livelli fl-Istati Membri waqt it-tfassil, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima, l-istrateġiji nazzjonali fit-tul u l-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni fit-tul;

32.

Jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea biex issawwar u tipprovdi b’suċċess il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u tpoġġiha fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru wara l-pandemija;

33.

Jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-ambizzjoni tagħha li tistabbilixxi tikkettar ta’ prodotti li ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni u li tipproteġi u tirrestawra l-foresti madwar id-dinja;

34.

Jindirizza d-distakk diġitali u jippromovi żieda fit-tagħlim diġitali u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi lokali u reġjonali, inkluż bl-appoġġ tal-Programm Ewropa Diġitali 2021-2027, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli tan-negozju lokali u ta’ ekonomija reżiljenti, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għal Ewropa aktar sostenibbli u ekoloġika;

35.

Jappoġġja l-għoti ta’ ħiliet tal-litteriżmu diġitali u fil-media għal kulħadd fil-livelli reġjonali u lokali, u jaħdem biex jistabbilixxi qafas Ewropew għat-tnedija ta’ intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli;

36.

Jitlob appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri tal-UE u mir-reġjuni u l-bliet tagħhom sabiex jiġu aċċellerati l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-investimenti neċessarji fit-tagħmir u fl-infrastruttura edukattiva, u l-appoġġ għall-impjieg fl-ekonomija lokali. Jikkontribwixxi għal sforzi biex jerġgħu jitkomplew l-attivitajiet taħt il-programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa aġġornata jikkostitwixxu żewġ mezzi importanti għall-azzjoni u l-appoġġ, li għandhom ikunu l-bażi tal-programm Erasmus tal-futur;

37.

Itejjeb il-konnettività tal-broadband u t-tnedija tal-5G fil-livell lokali u reġjonali kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f’dawk rurali, u jimmappja l-ħtiġijiet ta’ investiment futuri;

38.

Jiżgura li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jikkontribwixxu u jibbenefikaw mill-istrateġija futura Mill-Għalqa sal-Platt; iniedi kunsilli tal-ikel lokali, jgħaqqad lill-produtturi tal-ikel lokali mal-konsumaturi, jippromovi dieti tajbin għas-saħħa u jissensibilizza n-nies dwar il-ħela tal-ikel; u jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji tal-azjendi agrikoli sabiex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji dwar il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità;

39.

Jindirizza l-isfida dejjem akbar tal-eżodu tal-imħuħ u jsaħħaħ l-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali billi jsaħħaħ il-koeżjoni territorjali, irawwem ekonomija ta’ benesseri u jippromovi r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-appoġġ minn Orizzont Ewropa, l-FSIE u strumenti ta’ finanzjament nazzjonali differenti. Iniedi malajr kemm jista’ jkun inizjattivi ta’ prospettiva territorjali kif ukoll attivitajiet immirati lejn ir-reżiljenza soċjali, ekonomika u dik relatata mas-saħħa tar-reġjuni u tal-bliet;

40.

Jikkontribwixxi għal strateġija Ewropea globali dwar it-tibdil demografiku li tindirizza l-isfidi demografiċi kollha u li tinkludi reazzjoni vasta, koordinata u integrata mill-UE għall-isfidi demografiċi, peress li din hija tema trasversali li taffettwa l-politiki kollha tal-UE;

41.

Jiżgura li l-UE tiżviluppa politika dwar il-migrazzjoni komprensiva, umanitarja u ġusta u ma tħallix lill-Istati Membri, lir-reġjuni tal-fruntiera, lill-gżejjer u lir-reġjuni ultraperiferiċi tagħha waħedhom biex jindirizzaw il-kriżi tal-migrazzjoni, peress li din hija kemm kwistjoni nazzjonali kif ukoll Ewropea; jappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar l-integrazzjoni tal-migranti;

42.

Jipprovdi input reġjonali u lokali għar-riforma tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni, li tinkludi integrazzjoni, proċeduri ta’ ritorn ġust u politiki dwar l-asil li għandhom ikunu kapaċi jindirizzaw b’mod adegwat ix-xejriet migratorji attwali u futuri; jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, għal dawk li jeħtieġu protezzjoni umanitarja; jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE; jipprevjeni l-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

43.

Jippromovi kultura ta’ rispett għall-istat tad-dritt fil-livell lokali u reġjonali, bħala prekundizzjoni għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u bħala valur fundamentali tal-UE, minquxa fit-Trattati u komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri;

44.

Jitlob lill-UE tissalvagwardja l-impjiegi u tiżgura rkupru bbażat fuq konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u drittijiet soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba għal kulħadd, u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-imsieħba soċjali u s-sistemi nazzjonali, inklużi dawk li jaħdmu f’forom ġodda ta’ impjieg, bħax-xogħol fuq pjattaforma diġitali u l-ekonomija tal-gigs, kif ukoll ħaddiema fl-ekonomija tradizzjonali, il-mikrointrapriżi u s-settur kulturali. Jagħraf li żewġ terzi tal-impjieg kollha huma ġġenerati mill-SMEs, li l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom għeruq fondi fil-komunitajiet lokali u għalhekk huma parti kruċjali tan-nisġa soċjali tal-Ewropa. Il-KtR jkompli jippromovi l-attivitajiet tal-EER u attivitajiet oħra mifruxin mal-Ewropa kollha li jiżviluppaw u jżidu l-intraprenditorija, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

45.

Jaġixxi bħala faċilitatur għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn il-bliet u r-reġjuni u bħala promotur tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU sabiex jikseb rwol ta’ tmexxija fil-kontribut tiegħu biex jiġu indirizzati sfidi globali bħall-kunflitt u l-instabbiltà politika, il-fraġilità ekonomika, il-migrazzjoni, u t-tibdil fil-klima;

46.

Jikkondividi prattika tajba mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tal-adeżjoni u l-pajjiżi msieħba mill-viċinat tal-UE kif ukoll min-Nofsinhar Globali, u jiffaċilita l-aċċess tagħhom għal appoġġ tal-UE mmirat.

Niżguraw li l-Unjoni Ewropea tkun dejjem għas-servizz taċ-ċittadini tagħha u tal-postijiet li jgħixu fihom abbażi ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali bħala valuri fundamentali

Il-missjoni tal-KtR ser tkun li jiżgura li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tiġi rispettata permezz ta’ politiki tal-Unjoni Ewropea li jaffettwaw liċ-ċittadini u l-postijiet li jgħixu fihom (politiki bbażati fuq il-post). Biex iwettaq din il-missjoni, il-KtR ser juża l-ħidma leġislattiva u politika u dik marbuta mat-tfassil tal-politika tal-membri tiegħu, tal-imsieħba u tal-partijiet ikkonċernati. Ser ikompli jibni fuq il-mobilizzazzjoni tal-“Alleanza tal-Koeżjoni”, u juri l-valur miżjud tal-koeżjoni bħala politika u bħala valur fundamentali li fuqu huma bbażati l-politiki tal-UE kollha. Ser jiffoka fuq ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet fil-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-UE. Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet u l-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali wkoll se jwettqu din il-missjoni.

Il-KtR ser jipprijoritizza l-miżuri ewlenin li ġejjin:

47.

Jippromovi Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala għodda ewlenija tas-solidarjetà Ewropea li tirrifletti l-livell ta’ ambizzjoni tal-UE biex tindirizza l-prijoritajiet kollha tagħha, tipprovdi valur miżjud, tkun aktar trasparenti u komprensibbli għaċ-ċittadini u tinkludi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-prijoritajiet il-ġodda stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;

48.

Jikkontribwixxi għar-rinforz tal-Politika ta’ Koeżjoni, li ilha fundamentali sa mill-oriġini tal-UE, permezz tal-implimentazzjoni intelliġenti tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, u b’hekk jiġi żgurat impatt sinifikanti fost ir-reġjuni Ewropej kollha;

49.

Ikompli jippromovi politika ta’ koeżjoni tal-UE b’saħħitha u effettiva għar-reġjuni kollha tal-UE, li hija meħtieġa mhux biss biex tgħin lill-bliet u lir-reġjuni jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19, iżda wkoll biex jindirizzaw l-isfidi l-kbar l-oħra li għandhom dimensjoni territorjali qawwija u distribuzzjoni inugwali tal-effetti kemm ġewwa kif ukoll bejn id-diversi reġjuni u bliet fl-Ewropa, b’mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-bidla għal ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, it-trasformazzjoni diġitali, il-bidliet demografiċi u l-migrazzjoni;

50.

Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament adegwat u stabbli għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE u għall-Politika Agrikola Komuni sabiex jintlaħaq l-għan sħiħ tagħhom; jappoġġja l-ekonomiji lokali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-użu effettiv tar-riżorsi allokati bħalissa għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea;

51.

Fid-dawl tal-impatt territorjali asimmetriku mistenni tal-kriżi tal-COVID-19, jitlob allokazzjoni reġjonali u lokali fil-Fond ta’ Rkupru l-ġdid. Jiżgura li l-istrument il-ġdid ma jinħoloqx għall-ispiża tal-baġit tal-politika ta’ koeżjoni, u li l-investimenti jiġu kkoordinati mal-interventi tal-finanzjament tal-UE sabiex jiġu mmassimizzati l-effetti ta’ ingranaġġ u jiġu evitati l-frammentazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni;

52.

Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 tirrikjedi lill-UE ssaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa u żżid ir-riżorsi tas-saħħa u l-provvisti mediċi tagħha stess, inkluż it-tagħmir ta’ protezzjoni personali. Dan jinkludi l-ħolqien ta’ mezzi legali biex, jekk ikun hemm bżonn, ikun jista’ jingħata bidu għall-proċeduri tal-akkwisti jew għall-proċessi tal-manifattura b’mod rapidu u faċli. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom f’dak li jirrigwarda l-emerġenza u protezzjoni ċivili. Peress li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol importanti fil-provvista ta’ kura tas-saħħa pubblika u servizzi soċjali għaċ-ċittadini kollha, il-KtR ser jippromovi azzjoni tal-UE kkoordinata u appoġġ għal strutturi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ tħejjija għad-diżastri bħala rispons għal theddid għas-saħħa u sitwazzjonijiet ta’ kriżi f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

53.

Jorganizza r-reżiljenza taċ-ċikli ekonomiċi billi jsaħħaħ il-konverġenza spazjali tal-ktajjen tal-provvista fl-Ewropa;

54.

Jippromovi l-użu ta’ strateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli biex jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u x-xogħol deċenti, u l-inklużjoni soċjali, f’konformità mal-għanijiet tal-Karta ta’ Leipzig imġedda u l-Aġenda Urbana tal-UE;

55.

Jaħdem favur Qafas ta’ Governanza Ekonomika mġedded, inkluż il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), filwaqt li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi, sabiex jittejbu r-regoli fiskali tal-UE billi tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti sostenibbli, inkluż il-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment fi ħdan l-għan globali ta’ ppjanar finanzjarju sostenibbli;

56.

Jimmonitorja l-impatt tal-pandemija u l-effetti negattivi tagħha fuq l-impjieg fit-tul fl-ekonomiji lokali u reġjonali kollha tal-UE. Jenfasizza l-importanza li jiġu eżaminati mill-ġdid tal-istrateġiji industrijali u intraprenditorjali tal-UE u li ssir enfasi fuq l-aspetti dwar is-sostenibbiltà tat-tkabbir sabiex ikun hemm irkupru rapidu. Jippromovi ekosistemi innovattivi, ekonomija soċjali u speċjalizzazzjoni intelliġenti, u jappoġġja politiki industrijali bbażati fuq il-post;

57.

Jimmonitorja l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija biex jiżgura l-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-programmi għall-perjodu 2021-2027. Il-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli għandhom jipprovdu wkoll ispirazzjoni għall-governanza tas-Semestru Ewropew;

58.

Jitlob aċċess dirett għall-finanzjament tal-UE għall-bliet u r-reġjuni sabiex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew u jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fit-tħejjija tal-pjani ta’ tranżizzjoni ġusta u fl-implimentazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;

59.

Jiżgura li r-reġjuni, il-bliet u l-individwi jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ta’ semplifikazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Jappoġġja l-ġlieda kontra – u l-prevenzjoni ta’ – mmaniġġjar ħażin tal-fondi tal-UE u frodi;

60.

Jikkontribwixxi għat-tisħiħ u t-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku, mhux biss billi jidentifika l-ostakli għall-erba’ libertajiet fil-livell lokali u reġjonali u billi jinkoraġġixxi semplifikazzjoni amministrattiva, iżda wkoll billi jinsisti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu parti essenzjali mill-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-effetti drastiċi li l-libertà ta’ moviment għandha fuq is-Suq Uniku u jwissi kontra kwalunkwe frammentazzjoni oħra ta’ dan is-Suq Uniku;

61.

Jestendi l-Alleanza tal-Koeżjoni biex jiġu mmobilizzati l-partijiet ikkonċernati tas-settur pubbliku u privat fil-promozzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u juri l-valur miżjud tal-UE għal kull ċittadin tal-UE kif ukoll għall-prinċipji demokratiċi, billi jimmonitorja u jikkomunika l-impatt tal-investimenti ffinanzjati mill-UE;

62.

Jimmonitorja l-Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat u miżuri sussegwenti ta’ intenzjoni simili, u b’hekk jippermetti appoġġ immirat biex jiġu salvati l-impjiegi f’setturi u reġjuni li ntlaqtu partikolarment ħażin mill-pandemija. Jenfasizza li, f’dan il-kuntest, regoli aktar flessibbli dwar l-għajnuna mill-Istat ikollhom l-għan li “[jirrimedjaw] taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”, u li din ir-raġuni ser tibqa’ valida sew wara Diċembru 2020, id-data ta’ skadenza tal-Qafas Temporanju; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tkun lesta testendi l-Qafas Temporanju jew tippermetti flessibbiltajiet simili biex jgħinu lis-setturi u r-reġjuni milquta mill-kriżi jirkupraw;

63.

Jappoġġja l-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni marbuta mal-flessibbiltà ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku, peress li fiċ-ċirkostanzi attwali dawn jiftħu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kontraenti jużaw il-proċedura negozjata b’rekwiżiti proċedurali mnaqqsa;

64.

Jappoġġja Aġenda tal-UE għaż-Żoni Rurali biex tiġi rimedjata d-depopolazzjoni u jiġi evitat ir-riskju ta’ faqar f’dawn ir-reġjuni, u biex jiġi żgurat approċċ bilanċjat u komprensiv għall-iżvilupp territorjali Ewropew;

65.

Isegwi b’mod attiv l-attivitajiet tal-KtR dwar “Irħula Intelliġenti” u jippromovi l-kunċett fost l-istituzzjonijiet Ewropej; jippromovi inizjattivi ta’ innovazzjoni u modernizzazzjoni għaż-żoni rurali, u jadotta strateġija ta’ mobilità sostenibbli u intelliġenti taħt il-programm ta’ destinazzjonijiet turistiċi intelliġenti (“Smart tourist destinations”);

66.

Jinsisti li, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi fejn il-fruntieri għandhom jingħalqu b’mod temporanju jew jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiftiehmu dwar regoli vinkolanti u proċeduri komuni biex tiġi ggarantita l-libertà ta’ moviment tal-UE; josserva li żoni ekonomiċi u soċjali transfruntiera huma ta’ valur kbir għall-UE;

67.

Jenfasizza li matul il-kriżi tal-COVID-19, l-atturi lokali u reġjonali wrew – minkejja l-ħafna fruntieri magħluqa u r-restrizzjonijiet bla preċedent – kapaċità ammirabbli biex isibu metodi kif ikomplu l-kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali, u wrew solidarjetà ġenwina bejn iċ-ċittadini Ewropej. Din il-kriżi tfakkar li Ewropa mingħajr fruntieri hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea, li jeħtieġ tiġi mħarsa. L-involviment fi proġetti transfruntiera bejn il-persuni u fuq skala żgħira, li joħolqu n-nisġa tan-networks transfruntiera u proġetti fuq skala kbira billi tinbena l-fiduċja reċiproka bejn il-parteċipanti, għandha tibqa’ prijorità permanenti tal-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha;

68.

Jappoġġja l-importanza tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u jiżgura li jkun hemm riżorsi baġitarji meħtieġa għaliha; din uriet li hija indispensabbli għal ħafna awtoritajiet reġjonali kemm għall-iskambju ta’ għarfien espert kif ukoll tal-aħjar prattiki dwar sfidi ewlenin, iżda wkoll għall-bini ta’ rabtiet umani bejn l-awtoritajiet reġjonali minn fruntiera għal oħra;

69.

Jinkoraġġixxi investiment pubbliku fil-gżejjer u fir-reġjuni skarsament popolati u ultraperiferiċi billi jiġu adattati aktar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi jiżdied il-kofinanzjament Ewropew taħt il-politika ta’ koeżjoni u tiġi żviluppata kooperazzjoni territorjali ma’ pajjiżi terzi;

70.

Jippromovi l-aġġornament tas-sistema ġenerali tal-ġestjoni tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi fil-livelli kollha ta’ governanza;

71.

Jappella għall-implimentazzjoni territorjali sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti;

72.

Jappoġġja l-ħolqien, mill-Kummissjoni Ewropea, tad-dimensjoni reġjonali tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali Ewropea, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri;

73.

Jagħmel l-ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali aktar reżiljenti kontra l-effetti ta’ ħsara li jkollhom emerġenzi potenzjali futuri billi tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka għall-moviment liberu tar-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija, jiġu promossi s-sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE u Titkompla l-ħidma b’suċċess tal-Pjattaforma għall-Iskambju tal-Għarfien u tal-inizjattiva interistituzzjonali x-Xjenza tiltaqa’ mar-Reġjuni;

74.

Jikkontribwixxi għar-reviżjoni tar-Regolament TEN-T u l-finanzjament relatat miegħu u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet neqsin fl-infrastruttura tat-trasport transfruntier biex jiġu konnessi l-bliet u r-reġjuni kollha tal-Unjoni fiż-żoni ċentrali u periferiċi, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi;

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser juża r-riżorsi u l-influwenza politika kollha tiegħu biex isaħħaħ l-Ewropa. Billi jipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu, jiżgura li l-politiki u l-investimenti tal-UE huma effiċjenti u effettivi, il-Kumitat ser jistinka biex jittrasforma lill-UE sabiex din issir aktar kompetittiva, sostenibbli u reżiljenti, u b’hekk tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Dikjarazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar L-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi tar-rispons Ewropew għall-kriżi tal-COVID-19.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

(4)  COM(2008) 426: Proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni.


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/16


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — il-proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-dawl tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021

(2020/C 324/03)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

wara li kkunsidra:

il-Programm ta' Ħidma Aġġustat tal-Kummissjoni Ewropea għall-2020 (1);

il-Protokoll ta' Kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea ta' Frar 2012;

il-prijoritajiet tal-KtR għall-mandat ta' ħames snin tiegħu (2020-2025),

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea twettaq l-azzjonijiet li ġejjin permezz tal-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2021 billi:

1.

twieġeb għat-talba ta' azzjoni fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 billi tagħmel enfasi akbar fuq il-benesseri soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali fi ħdan il-mudell tal-ekonomija tas-suq soċjali, filwaqt li jitqiesu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

2.

tiżgura li l-istrateġija ta' rkupru ta' wara l-pandemija, filwaqt li tkun allinjata bis-sħiħ mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u mal-impenji meħuda mill-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, tiffoka fuq il-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej u r-restawr tat-tkabbir ekonomiku fl-UE. L-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar il-klima għandha tirrikonoxxi d-diversità ġeografika, ekonomika u soċjali sħiħa tat-territorji tal-Ewropa u ssaħħaħ il-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;

3.

taħdem mal-KtR biex jiżdiedu l-viżibbiltà u l-appoġġ pubbliku għal tali azzjonijiet permezz tal-qafas Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tiegħu;

4.

tinkludi d-dimensjoni tas-saħħa fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku, tippromovi għajxien b'saħħtu għal kulħadd, tkompli tesplora r-rabtiet u s-sinerġiji eżistenti bejn is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, l-ekonomija, l-impjiegi, il-kompetittività u l-protezzjoni tal-klima filwaqt li tipproponi strateġija ċara biex jinbnew territorji, ekonomiji u soċjetajiet reżiljenti fil-perjodu ta' wara l-pandemija fil-qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

5.

tieħu aktar passi biex tnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19, u tuża l-fondi kollha disponibbli biex tgħin jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sistemi tas-saħħa Ewropej. Il-firxa rapida tal-virus poġġiet kemm is-saħħa kif ukoll il-kura soċjali taħt pressjoni akbar, filwaqt li fl-istess ħin jeħtieġ li jsiru wkoll tħejjijiet għat-“tieni mewġa”. Għall-ippjanar transfruntier tal-pandemija, għandhom jiġu promossi timijiet ta' kriżi reġjonali li jinkludu l-livelli kollha ta' governanza, jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-epidemija u li ma jiqfux mal-fruntieri nazzjonali;

6.

tikkoopera mal-KtR biex issaħħaħ is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċitajiet tal-Awtoritajiet Maniġerjali biex l-opportunitajiet relatati mal-Patt Ekoloġiku jintużaw bl-aħjar mod u, fl-istess ħin, tħeġġeġ aċċess aktar dirett għall-fondi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, u b'mod speċjali tappoġġja ż-żoni tal-fruntieri billi tħaffef l-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu Transkonfinali Ewropew (ECBM);

7.

tippromovi l-Patt Klimatiku bħala impenn konġunt għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini bil-għan li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u bħala umbrella li tiġbor flimkien il-partijiet interessati kollha biex jabbozzaw u jimplimentaw patti klimatiċi lokali u jiskambjaw l-aħjar prattiki;

8.

tistabbilixxi Forum għall-Irkupru Ekoloġiku fejn il-KtR, il-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra jistgħu jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fil-qafas il-ġdid tal-irkupru ta' wara l-pandemija;

9.

tiżgura li l-ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi, prevista mill-Patt Ekoloġiku, tibqa' parti essenzjali mill-Irkupru Ekoloġiku. Pjan ta' azzjoni ambizzjuż ta' tniġġis żero għall-ilma, l-arja u l-ħamrija huwa indispensabbli b'mod partikolari biex jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa;

10.

tkun aktar ambizzjuża fid-dawl tal-istrateġija futura tal-UE dwar il-bijodiversità biex jitwaqqaf it-telfien kontinwu tal-bijodiversità u biex l-UE titħalla tassumi rwol ta' tmexxija fuq livell globali fil-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, li huwa essenzjali biex jiġi evitat jew jitnaqqas l-impatt ta' pandemiji futuri; tippromovi implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija Ewropea għall-Foresti, filwaqt li tiżgura li jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi t-tajba biex jiġi żgurat li l-aħjar prattiki jiġu skambjati u mmultiplikati;

11.

tippromovi l-produzzjoni sostenibbli u lokali tal-ikel fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi mħabbra mill-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, biex b'hekk jiġu ppreservati l-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilma u l-ambjent tal-baħar u jiġi żgurat livell tajjeb ta' introjtu għall-bdiewa tal-UE; filwaqt li jiġu żgurati prezzijiet ġusti tas-suq f'pożizzjoni ta' suq ġust għall-produtturi agrikoli billi jadattaw il-produzzjoni għad-domanda tas-suq b'mod ġeneralment vinkolanti, b'mod partikolari f'sitwazzjoni ta' kriżi tas-suq; tiżgura li l-bdiewa u ż-żoni rurali jkunu akkumpanjati biex jagħmlu l-bidliet strutturali meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli;

12.

twettaq pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se jgħin biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE u biex jittaffa l-impatt tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li għaddejjin bħalissa. Il-KtR jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu komponent territorjali b'saħħtu u li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali, li bħalissa tirrifletti biss medji nazzjonali, għandha tissaħħaħ b'data reġjonali addizzjonali;

13.

tintegra Garanzija Ewropea għat-Tfal li tindirizza l-faqar u l-esklużjoni tat-tfal fl-UE fil-pjan ta' implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

14.

tesplora l-potenzjal tal-ekonomija soċjali u tħejji “Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali” li jinkorpora l-prinċipji tagħha f'politiki soċjoekonomiċi differenti tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ekoloġika u ġusta u għal pjan ta' rkupru fl-era ta' wara l-COVID-19 li fih jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impjiegi, filwaqt li tingħata prijorità lill-qgħad fost iż-żgħażagħ u jiġi promoss il-bilanċ bejn il-ġeneri;

15.

tippreżenta riforma ambizzjuża tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li jintegra l-objettiv ta' finanzi pubbliċi sostenibbli u t-tagħlimiet miksuba mill-kriżi tal-coronavirus;

16.

tgħin biex jinħolqu investimenti pubbliċi u privati li jista' jkollhom impatt konkret fuq l-ekonomija reali fil-livell lokali u reġjonali, mentri titqies is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi;

17.

tipproponi b'mod urġenti riforma profonda tas-Semestru Ewropew u tal-governanza ekonomika tal-UE lejn proċess trasparenti, inklużiv u demokratiku. Ir-rabta b'saħħitha tal-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza mas-Semestru Ewropew iżżid l-urġenza għal riforma sabiex tiġi evitata aktar ċentralizzazzjoni u approċċ minn fuq għal isfel tal-pjani ta' rkupru, minflok ma tingħata prijorità lill-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost u fi ħdan l-Istati Membri u l-investiment pubbliku ta' kwalità meħtieġ għall-irkupru sostenibbli tal-UE. Semestru Ewropew riformat, bħala l-istrateġija ekonomika Ewropea ġenerali li timplimenta l-SDGs fl-UE, għandu jintegra l-prinċipji ta' sħubija, ta' governanza f'diversi livelli u dimensjoni territorjali, abbażi tal-proposta tal-KtR għal Kodiċi ta' Kondotta għall-involviment fis-Semestru tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-livell Ewropew;

18.

tindirizza l-vulnerabbiltà tal-ktajjen tal-valur Ewropej li ġiet żvelata matul il-kriżi tal-COVID-19; tidentifika l-aktar rabtiet dgħajfa u tiddiversifika s-sorsi fil-ktajjen tal-provvista tal-UE, tnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq pajjiżi individwali, issaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea b'mod sostenibbli, u tiżgura l-awtonomija industrijali strateġika tal-UE; toħloq politika ta' raggruppament bħala parti ċentrali minn kwalunkwe politika industrijali tal-UE li tkun adattata għall-iskop sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp ta' raggruppamenti Ewropej ta' klassi dinjija li jgħaqqdu raggruppamenti, networks u ekosistemi reġjonali;

19.

tinsisti fuq implimentazzjoni aħjar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSDs) fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE u tiffoka fuq li ttejjeb l-impatt soċjoekonomiku u territorjali tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż il-ftehim futur mar-Renju Unit, billi tipprovdi analiżijiet settorjali u ġeografiċi aktar iddettaljati filwaqt li ssaħħaħ il-kondizzjonalitajiet tat-TSDs fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li kummerċ ħieles, ġust u miftuħ jista' jaħdem biss b'Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) b'saħħitha u effettiva u jappoġġja l-intenzjoni tagħha li tniedi inizjattiva ta' riforma komprensiva tad-WTO;

20.

tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi għall-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2027;

21.

tiżgura li flessibbiltà akbar mogħtija għall-użu tal-fondi ta' koeżjoni u fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li hija meħtieġa biex jiġi appoġġjat l-irkupru tar-reġjuni u l-bliet u ż-żoni rurali mill-kriżi tal-COVID-19, ma twassalx għal ċentralizzazzjoni tal-poteri u ċċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-prerogattivi tagħhom;

22.

tieħu vantaġġ mill-esperjenza tal-Aġenda Urbana għall-UE u l-Karta mġedda ta' Leipzig billi torganizza summit urban dwar l-iżvilupp urban sostenibbli;

23.

tibni fuq il-proposta ta' “mewġa ta' rinnovazzjoni” kif ukoll il-pjan ta' azzjoni tas-Sħubija Urbana dwar l-akkomodazzjoni adottata f'Novembru 2018 biex titħejja Aġenda Ewropea dwar l-Abitazzjoni għall-integrazzjoni tal-akkomodazzjoni fil-politiki differenti tal-UE li għandhom impatt fuqha;

24.

tipproponi Aġenda tal-UE koerenti u ambizzjuża għaż-Żoni Rurali mmirata b'mod partikolari lejn territorji remoti, li ta' spiss ġew injorati, u b'hekk tinħoloq rabta akbar maċ-ċittadini li jgħixu f'żoni rurali u li skont id-definizzjoni huma aktar iżolati minn sistemi ċentralizzati ta' governanza. It-tiġdid tal-irħula u l-komunitajiet rurali jgħin lill-UE turi appoġġ tanġibbli u ssaħħaħ il-leġittimità tagħha fil-prattika;

25.

tipprovdi rispons b'saħħtu għall-isfidi li qed jiffaċċja t-turiżmu Ewropew kemm permezz ta' finanzjament fuq perjodu qasir kif ukoll permezz ta' strateġija ta' rkupru mill-kriżi fit-tul, li tagħmilha aktar reżiljenti u sostenibbli fil-futur; B'hekk, il-politika ta' koeżjoni fil-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027 trid tiżgura sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-kultura u tat-turiżmu. L-enfasi tibqa' l-kompetittività ekonomika permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll l-aġenda Ewropea dwar it-turiżmu Ewropew;

26.

timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni aġġornat għall-Edukazzjoni Diġitali biex iqis bis-sħiħ l-impatt tal-COVID-19 u l-kundizzjonijiet il-ġodda għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jaġixxi wkoll bħala katalist għall-iżvilupp rapidu ta' għodod ta' tagħlim mill-bogħod fir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni rurali, u f'reġjuni inqas żviluppati, b'mod partikolari fl-iskejjel, filwaqt li jagħmel il-ħiliet diġitali u tal-media parti integrali mit-tagħlim tul il-ħajja u jagħmel il-Pjan pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-prattika tajba bejn il-bliet u r-reġjuni Ewropej u madwar id-dinja;

27.

tinvolvi b'mod attiv lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li tisfrutta r-rwol ewlieni tagħhom li jipprovdu servizzi diġitali liċ-ċittadini u joħolqu u jiġġestixxu l-infrastruttura diġitali; tiżgura monitoraġġ mill-qrib u kejl ta' proċessi ta' trasformazzjoni diġitali sostenibbli fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa, b'enfasi partikolari fuq id-distakk bejn iż-żoni urbani u rurali;

28.

tipprovdi aktar finanzjament u edukazzjoni dwar l-introduzzjoni rapida u komprensiva tal-infrastruttura diġitali u speċjalment il-5G fl-UE, inkluż permezz tal-fond futur għall-irkupru tal-UE, filwaqt li tiggarantixxi konnessjoni broadband aktar rapida u t-tagħmir meħtieġ fiż-żoni rurali, muntanjużi u ta' gżejjer, fir-reġjuni ultraperiferiċi u f'żoni li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi;

29.

tappoġġja t-tnedija ta' Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 f'sinerġija mill-qrib maż-Żona Ewropea tar-Riċerka, sabiex jiġu żgurati edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, kif ukoll ugwaljanza u ekwità fl-edukazzjoni, bħala rispons għat-tibdil demografiku u l-eżodu ta' mħuħ; tinvolvi lill-KtR fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri futuri dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Aġġornata għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

30.

tippreżenta evalwazzjoni bbażata fuq ix-xjenza tal-impatt tal-COVID-19 fuq it-tibdil demografiku u tiżgura li d-deċiżjonijiet futuri jitfasslu apposta skont il-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet lokali;

31.

tagħti prijorità lill-appoġġ għall-organizzazzjonijiet, inklużi dawk mingħajr skop ta' qligħ, kif ukoll lill-SMEs, lill-artisti individwali u lill-impjegati fis-setturi kulturali u kreattivi, li sofrew b'mod partikolari mit-tifqigħa tal-COVID-19. Fil-proċess tat-titjib tal-qafas strateġiku attwali tal-UE għall-kultura u fil-programm Ewropa Kreattiva li jmiss, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ u s-salvagwardja tan-nisġa kulturali rikka tal-Ewropa, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-wirt reġjonali u lokali;

32.

tiżgura li l-assistenza tal-Unjoni għal wara l-kriżi lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali tilħaq lill-komunitajiet lokali, u tinvolvi u tagħti s-setgħa b'mod suffiċjenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma essenzjali biex tiġi stabbilita l-leġittimità demokratika tal-impenn tal-UE f'dawk il-pajjiżi, filwaqt li tkompli tenfasizza u tindirizza l-perikli ta' “manipulazzjoni tal-Istat lokali” li thedded il-pedamenti tad-demokrazija;

33.

iżżid l-appoġġ tal-UE mmirat lejn il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi msieħba, b'mod partikolari fil-pajjiżi msieħba tan-Nofsinhar tal-Mediterran u fis-Sħubija tal-Lvant, sabiex tinħoloq dinamika ġdida għar-riformi ta' deċentralizzazzjoni u jittejbu r-riżultati fil-qasam tal-governanza, kif ukoll tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-benefiċċji tal-politiki tal-UE fit-territorji u l-livelli ta' governanza tal-pajjiżi msieħba. Dan għandu jinkludi l-ħolqien ta' Skola tas-Sħubija tal-Lvant tal-Amministrazzjoni Pubblika, kif propost fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Politika tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020;

34.

tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-SDGs, inkluż permezz tal-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba u l-appoġġ għal attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-pari fi spirtu ta' sħubija u solidarjetà, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatti globali gravi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri biex din tiġi kkontrollata;

35.

tinvolvi lill-gvernijiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tinkorpora miżuri u għodod għar-reżiljenza kontra l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 fi kwistjonijiet tal-ġeneru;

36.

tuża l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa bħala okkażjoni f'waqtha biex tirrifletti maċ-ċittadini u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-UE bħala proġett ibbażat fuq valuri fundamentali bħad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, kif ukoll dwar il-bidliet meħtieġa fil-qafas istituzzjonali attwali tagħha sabiex ittejjeb l-effettività u l-leġittimità tagħha, kif ukoll is-sens ta' “sjieda” taċ-ċittadini tal-proġett Ewropew;

37.

tinkludi bis-sħiħ lill-KtR u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali b'setgħat leġislattivi fil-korpi kollha tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, filwaqt li tagħmel il-proċess kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadini; tikkoopera mal-KtR fl-iżvilupp ta' mudell pilota għal djalogu permanenti u strutturat maċ-ċittadini permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jippermetti proċess bidirezzjonali ta' komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE li aktar tard jista' jservi biex jittejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE fit-tul;

38.

tintensifika l-isforzi għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, inkluż fil-livell lokali u reġjonali, permezz ta' appoġġ għal verifikaturi tal-fatti indipendenti, il-litteriżmu fil-media u l-ġurnaliżmu ta' kwalità, filwaqt li tenfasizza li l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni m'għandhiex tintuża bħala skuża għaċ-ċensura jew biex titrażżan il-libertà tal-espressjoni;

39.

tadotta approċċ komprensiv għall-politiki dwar il-migrazzjoni, l-integrazzjoni u l-ażil ibbażat fuq il-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, is-sussidjarjetà, is-solidarjetà u l-obbligi internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; tiżgura sforzi konġunti mtejba għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin f'kooperazzjoni mal-imsieħba tal-UE u l-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu; issaħħaħ l-appoġġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rwol essenzjali li għandhom fil-politiki ta' integrazzjoni;

40.

tkompli l-kooperazzjoni b'suċċess mal-KtR dwar Regolamentazzjoni Aħjar u l-promozzjoni tal-kunċett ta' “sussidjarjetà attiva”, b'mod partikolari permezz tan-Network ta' Ċentri Reġjonali għar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Politika tal-UE (RegHub) u r-rwol il-ġdid tiegħu fil-Pjattaforma Fit for Future, u billi tappoġġja lill-KtR fl-iżvilupp ta' RegHub 2.0 biex isir aktar effettiv bħala fornitur ta' feedback f'waqtu bbażat fuq l-esperjenza tal-utenti tal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fil-livell lokali u reġjonali; tikkonferma u telabora dwar dawn il-prinċipji fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Regolamentazzjoni aħjar li jmiss;

41.

tqis id-dibattiti dwar il-Programm ta' Ħidma Futura tal-Kummissjoni Ewropea li seħħew fil-parlamenti reġjonali, wara l-konklużjonijiet tat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità u l-proġett pilota mniedi mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Konferenza tal-Assemblej Reġjonali Leġislattivi Ewropej.

Il-KtR jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  COM(2020) 440 final.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-139 Sessjoni Plenarja tal-KtR permezz ta’ Interactio (ibrida), 30.6.2020–2.7.2020

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles: il-perspettiva reġjonali u lokali

(2020/C 324/04)

Relatur:

Michael MURPHY (IE/PPE), Kunsillier, Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary

Dokument ta’ referenza:

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles: 1 ta’ Jannar 2018 – 31 ta’ Diċembru 2018

COM(2019) 455 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles; iqis li dan mhuwiex biss pass kruċjali lejn aktar trasparenza iżda anke strument effettiv biex jipprovdi lill-pubbliku b'informazzjoni oġġettiva ta’ sfond dwar ftehimiet kummerċjali negozjati mill-UE;

2.

jenfasizza l-potenzjal importanti li l-politika kummerċjali tal-UE toffri għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE, b’mod partikolari f'termini ta’ tkabbir sostenibbli, implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, impjiegi, ħolqien ta’ impjiegi u investiment fl-UE. Madankollu, fl-istess ħin, jifhem li l-kriżi tal-COVID-19 hija xokk ewlieni għall-ekonomiji Ewropej u globali u ser ixxekkel l-opportunitajiet mill-kummerċ globali għall-SMEs Ewropej. Skont stħarriġ reċenti mid-DĠ TRADE, fl-2020 huwa mistenni tnaqqis fil-kummerċ globali ta’ bejn l-10 % u s-16 %; għall-UE27, it-tnaqqis previst huwa mistenni li jkun bejn id-9 % u l-15 % għall-esportazzjonijiet barra l-UE-27, li jammonta għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet barra l-UE ta’ bejn EUR 282 biljun u EUR 470 biljun (1);

3.

ifakkar li 36 miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq l-esportazzjonijiet barra mill-UE, li 13,7 miljun minnhom huma okkupati min-nisa; li bejn l-2000 u l-2017, l-impjiegi tal-UE appoġġjati mill-esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja żdiedu b’66 % li jirrappreżentaw 14,3 miljun impjieg addizzjonali; u li s-sehem tal-impjiegi tal-UE appoġġjati mill-bejgħ tal-oġġetti u s-servizzi lejn il-bqija tad-dinja fuq l-impjiegi totali żdied minn 10,1 % fl-2000 għal 15,3 % fl-2017 (2); jinnota bi tħassib li minħabba l-pandemija tal-COVID-19, fl-2020, l-ILO tistma t-telf ta’ 12-il miljun impjieg fl-Ewropa biss;

4.

jenfasizza l-importanza ta’ kummerċ internazzjonali ħieles ibbażat fuq ir-regoli li jkun ta’ benefiċċju għall-imsieħba kummerċjali kollha. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddefendi l-interessi kummerċjali tal-UE u tiġġieled kontra t-tendenza li qed tiżdied tal-protezzjoniżmu;

5.

jinnota li l-impatt tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles fl-UE jinħass fil-livell reġjonali. Għalhekk il-KtR jappella lill-Kummissjoni biex iżżommu infurmat b’mod sistematiku u biex tikkunsidra r-riperkussjonijiet lokali u reġjonali possibbli tal-kummerċ fi stadju bikri fin-negozjati;

6.

jemmen li l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles għandhom ikunu adattati għall-SMEs daqskemm l-SMEs għandhom ikunu adattati għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinfurmaw lill-SMEs fil-prattika dwar il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles;

7.

jenfasizza r-responsabbiltà konġunta tal-livelli kollha ta’ governanza biex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jiġu ddistribwiti b'mod ġust, u li l-impatti negattivi jitnaqqsu;

8.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li ż-żieda fil-miżuri li ma jikkonformawx mar-regoli tad-WTO u arranġamenti mhux tariffarji diskriminatorji ġodda jippreżentaw ir-riskju ta’ piżijiet regolatorji eċċessivi reċiproċi, tant li qed isiru l-prassi ġdida fil-kummerċ globali; jemmen li l-programmi eżistenti ta’ appoġġ mill-UE u l-monitoraġġ tagħhom għandhom jiġu evalwati mill-ġdid, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, biex jiġu appoġġjati r-reġjuni affettwati b’mod negattiv mill-gwerer kummerċjali billi jitnaqqas il-piż fuqhom;

9.

jilqa’ l-fatt li, fit-22 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali bil-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-inklużività fil-politika kummerċjali tal-UE; jinnota li l-ebda wieħed mit-28 espert fil-grupp (3) ma jirrappreżenta awtorità lokali jew reġjonali jew waħda mill-assoċjazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-Grupp ta’ Esperti fil-format tiegħu ta’ bħalissa u żżomm il-pożizzjoni tal-KtR bħala osservatur. F'każ li tinbidel l-istruttura ġenerali tal-Grupp ta’ Esperti, il-KtR jitlob li jiġi mistieden bħala membru;

10.

jilqa’ l-fatt li bejn 29 % u 31 % tal-kummerċ tal-UE huwa kopert minn ftehimiet kummerċjali preferenzjali;

Rakkomandazzjonijiet relatati mal-COVID-19

11.

jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li tniedi proċedimenti ta’ reviżjoni tal-politika kummerċjali, li jwasslu għal strateġija ġdida sa tmiem is-sena. Madankollu, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din ir-reviżjoni tagħti d-diliġenza dovuta u l-attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles fir-reġjuni u l-bliet tal-Istati Membri;

12.

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat li l-ekonomiji globali huma interkonnessi sew u fi żmien ta’ kriżi, l-ebda pajjiż ma jista’ jimmanifattura l-ħtiġijiet tiegħu b’mod individwali. Għalhekk, biex tiġi żgurata sistema kummerċjali globali ġusta, miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli l-ħidma tagħha fuq ir-riforma tad-WTO. Jinnota, bl-istess mod, li f’każijiet fejn il-kompetizzjoni globali hija mxekkla, jeħtieġ li l-UE tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti tagħha ta’ difiża kummerċjali u tiżviluppa għodod ġodda biex tindirizza l-prattiki ta’ distorsjoni tas-suq ta’ pajjiżi terzi.

13.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli bil-ħidma tagħha dwar l-indirizzar tal-kompetizzjoni mxekkla fis-suq uniku kkawżata minn sussidji barranin. F’dan ir-rigward, il-KtR jistenna l-pubblikazzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar strument dwar is-sussidji barranin. Il-progress f’dan il-qasam tax-xogħol huwa partikolarment importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE f’oqsma bħall-akkwist pubbliku;

14.

jinnota li fl-aħħar mill-aħħar ir-reġjuni u l-gvernijiet tagħhom jinsabu fuq quddiem nett tal-kriżi, u qed jittrattaw l-impatti ekonomiċi u tas-saħħa tagħha. Jemmen, għalhekk, li l-UE teħtieġ taħdem fuq il-bini ta’ ħażniet strateġiċi ta’ tagħmir vitali biex tħejji lir-reġjuni għall-pandemiji fil-ġejjieni. Jilqa’ f’dan ir-rigward il-kunċett tal-Kummissjoni ta’ “awtonomija strateġika miftuħa” biex tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista globali kif ukoll tirripatrija xi produzzjoni ta’ materjali kritiċi;

15.

jilqa’ l-proposta l-ġdida tas-27 ta’ Mejju dwar il-QFP, inklużi r-REACT-EU l-ġdida u r-rinforz temporanju tan-Next Generation EU. F’dan il-kuntest, il-KtR jilqa’ l-fondi addizzjonali assenjati għall-Politika ta’ Koeżjoni, li jistgħu jintużaw biex jiġi miġġieled l-impatt ekonomiku tal-kriżi, inkluż permezz ta’ investiment u likwidità f’SMEs affettwati fil-livell lokali, partikolarment dawk fis-setturi l-aktar milquta. Dan ser jiżgura li jiġu salvati kemm jista’ jkun negozji u postijiet tax-xogħol;

16.

jilqa’ s-semplifikazzjoni tal-applikazzjoni ta’ għadd ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż l-InvestEU, fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli s-sistema ta’ aċċess imtejjeb għall-finanzjament f’firxa ta’ programmi lil hinn mill-pandemija, sabiex l-SMEs Ewropej ikunu jistgħu jbiddlu t-teknoloġiji ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ dekarbonizzazzjoni f’opportunitajiet ta’ profitt biex jinħolqu tkabbir ekonomiku sostenibbli u impjiegi;

It-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-ftehimiet kummerċjali – perspettivi reġjonali u kummerċjali

17.

jaqbel b'mod qawwi mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kumpaniji tal-UE jistgħu jibbenefikaw biss mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE jekk ikollhom informazzjoni rilevanti dwar il-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet u jifhmu kif dawn jiffunzjonaw fil-prattika; jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti tar-reġjuni jiġu involuti fl-isforz biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza li l-pjani ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles jitfasslu apposta skont l-Istat Membru, ir-reġjuni rispettivi tiegħu u l-interessi tan-negozju reġjonali;

18.

jinnota bi tħassib li l-kumplessità tar-regoli tal-oriġini u tal-forom amministrattivi meħtieġa mill-imsieħba kummerċjali tal-UE biex jingħataw preferenzi lill-kumpaniji tal-UE, kif ukoll l-isforz involut biex tiġi ppruvata l-oriġini preferenzjali, jidhru li huma sproporzjonati għall-SMEs tal-UE peress li dawn ma għandhomx l-istess riżorsi bħall-kumpaniji kbar;

19.

itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilha stabbilita li l-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma għandhomx jipprevjenu lill-gvern fil-livelli kollha milli jipprovdi, jappoġġja jew jirregola s-servizzi pubbliċi, jew ma jħallihomx jespandu l-firxa ta’ servizzi li joffru lill-pubbliku;

20.

ifakkar li l-parti l-kbira tal-attività tal-esportazzjoni tal-SMEs isseħħ primarjament fis-suq uniku (4), b’madwar nofs l-SMEs biss ibigħu l-oġġetti tagħhom barra l-UE-28 (5); jinnota wkoll li l-attività ta’ esportazzjoni tal-SMEs hija kkonċentrata ħafna, b’sitt Stati Membri (6) jammontaw għal aktar minn żewġ terzi tal-esportazzjonijiet totali tal-SMEs tal-UE;

21.

jenfasizza li skont stħarriġ reċenti li twettaq mill-KtR u mill-Eurochambres, implimentazzjoni effettiva tal-kummerċ tirrikjedi dan li ġej (7):

a)

l-indirizzar tad-diskrepanza fl-għarfien relatata mal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE permezz tal-għoti ta’ informazzjoni prattika dwar kif l-SMEs jistgħu jużaw Ftehim partikolari ta’ Kummerċ Ħieles fil-prattika, u permezz ta’ attivitajiet aktar informattivi mal-komunità tan-negozju fil-livell reġjonali u lokali (taħriġ, seminars, sessjonijiet ta’ ħidma, wirjiet, eċċ.);

b)

it-titjib tal-faċilità ta’ użu ta’ għodod disponibbli mingħajr ħlas bil-għan li jiġu appoġġjati n-negozji u l-SMEs kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-eżistenza tagħhom;

c)

l-indirizzar tal-kumplessità u n-nuqqas ta’ koerenza tar-regoli tal-oriġini u l-proċeduri doganali;

d)

l-implimentazzjoni rapida ta’ kalkolatur, onlajn u mingħajr ħlas, tar-regoli tal-oriġini bħala l-ewwel linja addizzjonali ta’ appoġġ għall-SMEs tal-UE meta dawn jippruvaw jifhmu l-kumplessitajiet ta’ dawn ir-regoli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

22.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li jsir aktar biex tinxtered l-informazzjoni dwar il-funzjonament tal-kummerċ internazzjonali, b'mod partikolari fil-livell tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom rwol importanti x’jaqdu minħabba l-għarfien tagħhom tal-SMEs u l-prossimità tagħhom għall-SMEs fil-prattika; jirrikonoxxi għalhekk opportunità għall-KtR u l-Kummissjoni Ewropea biex jaħdmu b'mod sistematiku flimkien biex ixerrdu informazzjoni rilevanti u jiżviluppaw għodod interattivi rilevanti, bħal pereżempju Kalkolatur tar-Regoli tal-Oriġini għall-SMEs;

23.

jilqa’ l-ħidma avvanzata tal-Kummissjoni fir-rigward tal-portal onlajn li se jintegra żewġ bażijiet tad-data, il-Bażi tad-Data tal-Aċċess għas-Suq u l-Helpdesk tal-Kummerċ;

24.

jilqa’ wkoll l-għodod eżistenti li jintużaw mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu promossi u appoġġjati l-SMEs tal-UE fl-isforzi ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom sabiex dawn ikunu aktar kompetittivi fil-livell globali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-għodod jassumu approċċ minn isfel għal fuq fl-applikazzjoni tagħhom;

25.

iqis bi tħassib il-kwistjonijiet pendenti mal-imsieħba kummerċjali kif ġew ippreżentati fir-rapport tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-fatt li l-prodotti tal-UE għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw għadd ta’ swieq f’pajjiżi msieħba; Ir-rikonoxximent reċiproku mingħajr burokrazija tal-istandards tekniċi għandu jingħata prijorità għolja;

L-iżgurar li l-impenn ekonomiku globali ma jwassalx għal inugwaljanza fost ir-reġjuni tal-UE

26.

huwa tal-fehma li minkejja t-tkabbir ekonomiku ġenerali skattat mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, hemm xi setturi ekonomiċi, flimkien mar-reġjuni li jospitawhom, li x'aktarx se jintlaqtu ħażin;

27.

jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE joffru potenzjal kbir għall-esportazzjonijiet tal-UE fi prodotti agrikoli, iżda huwa mħasseb li l-abbozz tar-rapport interim dwar il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà għall-ftehim kummerċjali mal-Mercosur jissuġġerixxi li l-agrikoltura u ż-żoni rurali fl-UE huma mistennija li jesperjenzaw effetti negattivi, u huwa għalhekk li xi Stati Membri rrifjutaw il-ftehim fil-forma attwali tiegħu; jinsisti wkoll li l-ftehim mal-Mercosur għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gas serra. F’dan ir-rigward, ir-ratifika bejn l-UE u l-Mercosur għandha tkun taħt il-kundizzjoni ta’ miżuri li jreġġgħu lura l-livell fenomenali attwali ta’ deforestazzjoni fl-Amażonja tal-Brażil;

28.

jenfasizza li mill-istħarriġ mwettaq mill-KtR f’kooperazzjoni mal-Eurochambres dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, iż-żieda fil-pressjoni kompetittiva minn kumpaniji barranin ġiet identifikata wkoll bħala tħassib notevoli għar-reġjuni meta l-ftehimiet kummerċjali tal-UE daħlu fis-seħħ (8);

29.

jenfasizza li, kif ġie ssottolinjat minn studju tal-EPRS (9) ibbażat fuq analiżi tal-flussi kummerċjali f’xi Stati Membri, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tar-reġjuni hija marbuta b’mod pożittiv u b’saħħtu mal-PDG u li l-kummerċ huwa kkonċentrat ħafna fi ftit reġjuni f’kull Stat Membru analizzat;

30.

ifakkar li l-impatt tal-globalizzazzjoni li mil-lat territorjali mhuwiex indaqs ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni bid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar Il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni u d-Dokument ta’ Riflessjoni dwar Iil-futur tal-finanzi tal-UE, fejn ġie enfasizzat li filwaqt li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni huma mifruxa b'mod wiesgħa, l-ispejjeż ta’ spiss jiġu lokalizzati;

31.

jenfasizza li biex jiġu solvuti l-inugwaljanzi ppreżentati hawn fuq hemm bżonn ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħallew barra;

32.

jemmen bil-qawwa li l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali jistgħu jkunu għodod b'saħħithom biex jiġu identifikati u kkwantifikati kemm jista’ jkun kmieni l-impatti asimmetriċi possibbli tal-ftehimiet kummerċjali fuq ir-reġjuni Ewropej, u b'hekk it-territorji kkonċernati jkunu jistgħu jimplimentaw il-politiki pubbliċi xierqa biex jindirizzaw l-impatt; iqis li dan huwa element essenzjali biex jiġu fformulati politiki kummerċjali sodi, trasparenti u bbażati fuq l-evidenza;

33.

ipoġġi enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni biex tittejjeb il-kompetittività tat-territorji tal-UE permezz ta’ investimenti mmirati adattati għall-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe territorju speċifiku f'setturi ewlenin bħall-infrastrutturi tan-netwerk, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs, is-servizzi tal-IT, l-azzjoni ambjentali u klimatika, impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni soċjali;

34.

ifakkar, fid-dawl tal-evidenza b’saħħitha dwar ix-xejriet reġjonali fil-kummerċ internazzjonali, li jekk l-UE trid tintroduċi aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ, huwa essenzjali li kull inizjattiva sinifikanti fil-qasam tkun preċeduta minn valutazzjonijiet tal-impatt li jiffukaw fuq l-effetti possibbli fuq il-livelli nazzjonali u dawk sottonazzjonali;

35.

jilqa’ l-fatt li fil-Pjan tagħha ta’ Rkupru għall-Ewropa ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-għodod ta’ emerġenza tagħha, inkluż il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), u tagħmilhom aktar flessibbli sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw malajr u fuq skala kbira meta jkun meħtieġ. Jistenna li l-Kummissjoni tiddeskrivi malajr il-proposta tagħha u jtenni (10) f’dan l-isfond li l-proposta preċedenti tal-FEG għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027 ipprevediet limiti minimi ta’ eliġibbiltà relattivament għoljin (mill-inqas 250 sensja) (11) u pakkett baġitarju baxx ta’ EUR 225 miljun kull sena.

Il-politika kummerċjali bħala strument ewlieni għat-titjib tas-sostenibbiltà

36.

jemmen bis-sħiħ li l-politika kummerċjali għandha rwol importanti x'taqdi biex tiżgura li l-globalizzazzjoni jkollha effetti ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali pożittivi għan-nies u n-negozji fl-Ewropa u lil hinn minnha;

37.

ifakkar li skont stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru tal-2019 (12), kien hemm żieda fis-sehem ta’ rispondenti li semmew tħassib rigward l-impatti ambjentali negattivi tal-kummerċ internazzjonali, filwaqt li l-istess stħarriġ sab li kien hemm żieda fir-rispondenti li jemmnu li ma jibbenefikawx mill-kummerċ internazzjonali minħabba l-impatti ambjentali tiegħu;

38.

ifakkar li l-Patt Ekoloġiku għandu jintegra l-politika kummerċjali flimkien mal-politika ekonomika, regolatorja u tal-kompetizzjoni fi sforz komprensiv biex jiġi megħjun l-ambjent u biex jiġu stabbiliti ambizzjonijiet ambjentali għolja għall-industrija kollha kemm hi;

39.

jemmen li jista’ jintuża mekkaniżmu li jindirizza r-“rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni; jinnota, madankollu, li l-miżura għandha tibbilanċja t-tħassib relatat mal-ambjent, il-kummerċ u l-ġustizzja biex jiġi evitat li tinħoloq ritaljazzjoni kontra l-esportazzjonijiet mill-pajjiżi tal-UE, u b'dan il-mod issir ħsara lill-industrija tal-UE;

40.

jappoġġja bil-qawwa l-pjan ta’ azzjoni bi 15-il punt tal-Kummissjoni bħala strument ewlieni biex il-kapitoli dwar Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li jagħmlu parti mill-ftehimiet kummerċjali moderni kollha tal-UE, isiru aktar effettivi; Madankollu, dan jista’ jiġi implimentat biss bi klawżoli xierqa li jippermettu li r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà jkunu jistgħu jiġu infurzati, verifikati u sanzjonati;

41.

b’rabta mal-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ konformità ma’ dispożizzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli għandux iwassal għal ċerti konsegwenzi kummerċjali (relatati mal-kummerċ), il-KtR jappoġġja l-fehma li f’każ li pajjiżi jinvolvu ruħhom f’kompetizzjoni inġusta, pereżempju billi jevitaw l-istandards ewlenin tal-ILO jew l-istandards ta’ sostenibbiltà, għandu jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet għal mekkaniżmi ta’ sanzjonijiet;

42.

jenfasizza l-ħtieġa li l-kapitoli dwar Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE jiġu implimentati aħjar permezz ta’ miżuri mhux vinkolanti u billi jintużaw aħjar tar-riżorsi diplomatiċi proprji tal-UE u tal-Istati Membri;

43.

jitlob, barra minn hekk, li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jinkludu regoli stretti dwar ipprezzar ħażin, dwar prezzijiet ta’ trasferiment abbużivi, u dwar evażjoni tat-taxxa minn kumpaniji elenkati;

44.

huwa tal-fehma li l-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jistgħu, permezz tal-kummerċ, itejbu kundizzjonijiet bħax-xogħol deċenti, il-protezzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sabiex tinkiseb bidla fil-politika effettiva u sostenibbli (13) fil-pajjiżi terzi; madankollu, jinnota fl-istess ħin li dawk il-kwistjonijiet min-natura tagħhom jirriżultaw minn proċessi demokratiċi fi ħdan l-ordni kostituzzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż partikolari;

45.

jilqa’, f’dak ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħtar Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ biex jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-protezzjonijiet klimatiċi, ambjentali u tax-xogħol stipulati fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, u huwa fiduċjuż li l-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ ser jistabbilixxi mezzi sodi ta’ komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Uffiċċju jkun allokat biżżejjed riżorsi biex jiġi żgurat li jikseb l-objettivi tiegħu;

46.

f’dan il-kuntest, madankollu, jirreferi għall-istudju tal-KtR dwar “Id-dimensjoni demokratika tan-negozjati tal-UE dwar il-ftehimiet kummerċjali: ir-rwol u r-responsabilitajiet taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali”, li jenfasizza li d-disponibbiltà tal-informazzjoni waħedha mhiex biżżejjed biex jiġi żgurat proċess trasparenti u parteċipattiv u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-mekkaniżmi fil-livelli nazzjonali u lokali li għandhom l-għan li jiżguraw aċċess għal din l-informazzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss jenfasizzaw in-nuqqas ta’ mekkaniżmi formali għal djalogu mal-livelli nazzjonali rilevanti fil-qasam tal-politika kummerċjali, u dan in-nuqqas huwa saħansitra aktar viżibbli fil-livell tal-UE;

47.

fl-istess ħin jemmen li l-politika kummerċjali tal-UE ma għandhiex timmina l-isforzi tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp f’pajjiżi terzi, u jappella għal approċċ bilanċjat għall-kummerċ ħieles fir-rigward ta’ ekonomiji aktar fraġli; ifakkar fl-importanza tal-kummerċ ħieles u ġust, filwaqt li jenfasizza l-potenzjal li l-faqar jitnaqqas permezz ta’ integrazzjoni ekonomika interreġjonali u intrareġjonali. Jappella għal koerenza tal-politika akbar fis-setturi tal-kummerċ internazzjonali u tal-iżvilupp, jieħu nota li l-UE qed timxi minn għajnuna għall-iżvilupp internazzjonali għal approċċ ta’ sħubija bejn partijiet ugwali;

It-tnaqqis tal-impatt negattiv ta’ żviluppi uniċi fuq setturi u reġjuni partikolari

48.

jistieden lill-atturi istituzzjonali ewlenin kollha biex jagħtu attenzjoni partikolari lir-rabtiet kummerċjali eżistenti bejn ir-reġjuni tal-UE-27 u r-Renju Unit, li ser jiddefinixxu bil-bosta l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-ekonomiji rispettivi tagħhom; għandhom jitfasslu miżuri xierqa għas-setturi u t-territorji li ser isofru minn impatt negattiv partikolari;

49.

jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill tat-3 ta’ Frar 2020 biex jinfetħu n-negozjati dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit; jemmen li l-KE teħtieġ tiżgura li l-ftehim innegozjat jiddefendi l-interessi tal-UE;

50.

jirreferi għad-Dokument ta’ Pożizzjoni tad-Delegazzjoni ta’ Spanja lill-Kumitat tar-Reġjuni (14) u jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti biex jiġu introdotti tariffi addizzjonali fuq il-prodotti Ewropej, li jammontaw għal USD 7,496 biljuni, bħala kontromiżura għall-għajnuna lill-manifattur tal-inġenju tal-ajru Airbus mogħtija mill-UE u minn ċerti gvernijiet tal-Istati Membri, ser taffettwa l-aktar il-prodotti agrikoli u agroalimentari prodotti fl-Istati Membri tal-UE;

51.

jenfasizza li t-tariffi tal-azzar tal-Istati Uniti wasslu għal devjazzjoni serja tal-kummerċ tal-prodotti tal-azzar minn pajjiżi terzi, li qed jidħlu dejjem aktar fis-suq Ewropew. L-effettività tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-UE fis-settur tal-azzar għandha tiġi vvalutata mill-ġdid fid-dawl tal-ambjent ekonomiku tal-industrija tal-azzar li jinsab f'diffikultà, sabiex jiġi evitat li ssir aktar ħsara lill-kumpaniji domestiċi tal-azzar. L-irtirar ta’ żidiet preċedenti fil-kwota tariffarja għandu jiġi indirizzat b’mod espliċitu f’din ir-reviżjoni;

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji tal-UE f’sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli

52.

ifakkar li l-pajjiżi terzi jirreaġixxu b’kontrosazzjonijiet għas-sanzjonijiet tal-UE imposti fuqhom għal diversi raġunijiet ġeopolitiċi li mhumiex relatati mal-kummerċ, u dawn jolqtu b’mod sproporzjonat lil xi reġjuni li għandhom rabtiet kummerċjali stabbiliti mal-imsemmija pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li għandu jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn it-teħid ta’ miżuri kumpensatorji u l-preservazzjoni tal-kompetizzjoni, u li l-programmi eżistenti ta’ appoġġ tal-UE għandhom jiġu evalwati mill-ġdid biex jappoġġjaw lir-reġjuni affettwati b'mod negattiv mill-gwerer kummerċjali;

53.

jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet reċenti għal politika kummerċjali tal-UE aktar assertiva li tiddefendi lit-teknoloġiji, il-kumpaniji u s-swieq minn prattiki kummerċjali inġusti minn barra, u huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ politika kummerċjali aktar proattiva li tkun lesta tipproteġi lill-kumpaniji tagħha permezz ta’ miżuri kumpensatorji xierqa li jżommu l-pass mal-iżvilupp reċenti tal-katina tal-valur u permezz ta’ qafas legali vinkolanti għall-kunflitti kummerċjali; ifaħħar l-appoġġ tal-UE għall-multilateraliżmu u d-diversi ideat għar-riforma tad-WTO li ġew ippreżentati, kif ukoll il-pożizzjoni proattiva tal-Kummissjoni dwar l-istaġnar fir-rigward tal-korp tal-appell tad-WTO, jiġifieri l-arranġamenti ta’ appell interim mal-Kanada u n-Norveġja;

54.

jinnota, madankollu, li għalkemm jista’ jiġi mistenni b'mod raġonevoli li l-ebda pajjiż ma jista’ jiżola lilu nnifsu mill-globalizzazzjoni mingħajr ma jġarrab spejjeż kbar, ir-riskju ta’ kollass tas-sistema kummerċjali multilaterali huwa reali u b’hekk l-UE għandha tirrifletti dwar Pjan B;

55.

jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Infurzar sabiex il-Kummissjoni titħalla tniedi kontromiżuri f'sitwazzjonijiet fejn imsieħeb jimpedixxi li t-tilwim jasal f'punt fejn tkun tista’ tingħata awtorizzazzjoni bħal din;

56.

huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ tibdel u tadotta approċċ attiv biex tiżgura r-reċiproċità u tindirizza l-protezzjoniżmu fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist fil-pajjiżi terzi;

57.

jinnota b'dispjaċir, għalhekk, in-nuqqas ta’ progress fin-negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta riveduta għal Strument għal Akkwist Internazzjonali (15) ppreżentata mill-Kummissjoni fl-2016.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/may/tradoc_158764.pdf

(2)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/november/tradoc_157516.pdf

(3)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156487.pdf

(4)  EPRS, CETA implementation: SMEs and regions in focus (L-implimentazzjoni tas-CETA: l-SMEs u r-reġjuni fiċ-ċentru), studju mwettaq fuq talba tal-KtR, 18 ta’ Novembru 2019, disponibbli f’http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_IDA(2019)644179

(5)  L-Ewrobarometru Flash 421, Internationalisation of Small and Medium-sized Enterprises (L-Internazzjonalizzazzjoni tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Daqs Medju), Ottubru 2015. (mhux disponibbli bil-Malti)

(6)  Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands u r-Renju Unit.

(7)  L-istħarriġ tal-Eurochambres u tal-KtR Implementation of Free Trade Agreements – challenges and opportunities for businesses and regions (L-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles – sfidi u opportunitajiet għan-negozji u r-reġjuni), https://cor.europa.eu/en/events/Documents/ECON/Survey_Note_CoR-Eurochambres_Survey_15_November_2019.pdf

(8)  Stħarriġ tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Eurochambres dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, Awwissu-Ottubru 2019.

(9)  EPRS, Interactions between trade, investment and trends in EU industry: EU regions and international trade (L-interazzjonijiet bejn il-kummerċ, l-investiment u x-xejriet fl-industrija tal-UE: ir-reġjuni tal-UE u l-kummerċ internazzjonali), studju mwettaq fuq talba tal-KtR, 27 ta' Ottubru 2017, disponibbli f’ http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_STU(2017)608695 (mhux disponibbli bil-Malti)

(10)  Opinjoni tal-KtR dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni, relatur: Micaela Fanelli, adottata fl-10 ta' Ottubru 2017.

(11)  B’mod partikolari minħabba li l-programm ekwivalenti tal-Istati Uniti (“Għajnuna għal Aġġustament Kummerċjali / TAA) ma jipprevedi l-ebda livell limitu minimu ta' sensji li għandu jintlaħaq.

(12)  12 Ara https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/survey/getsurveydetail/instruments/special/surveyky/2246

https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_19_6294

(13)  PE, Free trade or geo-economics? Trends in world trade (Il-kummerċ ħieles jew il-ġeoekonomija? Tendenzi fil-kummerċ dinji), Dipartiment Tematiku għar-Relazzjonijiet Esterni, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni, Settembru 2019.

(14)  Il-Pożizzjoni tad-Delegazzjoni ta' Spanja lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-impatt tat-tilwim kummerċjali u l-istabbiliment ta' tariffi ġodda fuq il-prodotti agrikoli u agroalimentari fuq l-ekonomiji reġjonali u lokali fl-UE – https://cor.europa.eu/mt/news/Pages/US-tariffs-on-EU-agri-food-products.aspx

(15)  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2019/march/tradoc_157728.pdf


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/28


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar

(2020/C 324/05)

Relatur:

Piotr CAŁBECKI (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie

Dokumenti ta’ referenza:

SEC(2019) 438

SWD(2019) 439

SWD(2019) 440

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

A.   Introduzzjoni

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontroll tal-idoneità f’waqtu tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttiva dwar l-Għargħar f’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li jipprevedi li “Il-Kummissjoni se tirrevedi din id-Direttiva mhux aktar tard minn 19-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ u tipproponi kull emendi meħtieġa għaliha”;

2.

jiddikjara li l-ilma huwa l-aktar riżorsa importanti ta’ ġid komuni u huwa riżorsa limitata li jeħtieġ li jiġi protett u użat b’mod sostenibbli, kemm f’termini ta’ kwalità, kif ukoll ta’ kwantità. Il-protezzjoni u l-ġestjoni tiegħu jmorru lil hinn mill-fruntieri reġjonali u nazzjonali, peress li 60 % tal-baċiri idrografiċi fl-UE jestendu lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed;

3.

jirrimarka li s-setturi tal-UE li jiddependu fuq l-ilma jiġġeneraw EUR 3,4 triljun fis-sena, ekwivalenti għal 26 % tal-valur miżjud gross annwali tal-UE, u jimpjegaw madwar 44 miljun ruħ. B’mod parallel, jinnota bi tħassib li 40 % biss tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-Ewropa huma stmati li għandhom status ekoloġiku tajjeb u 38 % biss għandhom status kimiku tajjeb (1);

4.

jappella, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, għal sterilizzazzjoni aħjar tal-ilma mormi, żieda fir-riċerka dwar preservazzjoni aħjar tal-ilma mormi (ilma domestiku mormi mingħajr drenaġġ (griż) jew bid-drenaġġ (iswed)), u użu akbar ta’ Soluzzjonijiet Ibbażati fuq in-Natura, sabiex jiġi eliminat kwalunkwe theddid epidemjoloġiku għall-kwalità tal-ilma;

5.

jenfasizza li l-ilma huwa element essenzjali għall-ambjent u għall-eżistenza tal-bniedem. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-monitoraġġ, kif ukoll permezz ta’ miżuri preventivi u ta’ rimedju, biex jiksbu u jiggarantixxu ilma ta’ kwalità għolja. Il-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem fl-għoti tal-aċċess universali għall-ilma u s-sanità bħala dritt fundamentali; huwa importanti li ngħelbu n-nuqqas ta’ għarfien espert, il-burokrazija żejda u n-nuqqas ta’ approċċ f’diversi livelli li jolqtu ħażin l-effiċjenza, u jistgħu jostakolaw għalkollox l-użu ta’ prattiki tajbin fil-livell lokali u reġjonali;

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ilma għaċ-ċittadini Ewropej li għażlu li jiddedikaw waħda fost l-ewwel Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) biex jindirizzaw it-tħassib tagħhom relatat mal-politika tal-UE dwar l-ilma. Dan il-kontroll tal-idoneità huwa wkoll segwitu tal-impenji tal-Kummissjoni b’reazzjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Right2Water (2) dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-ilma u s-sanità;

B.   Il-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità

7.

jieħu nota tal-konklużjoni tal-kontroll tal-idoneità li d-Direttivi huma fil-biċċa l-kbira adattati għall-iskop tagħhom, b’xi lok għal titjib. Id-Direttivi wasslu għal livell ogħla ta’ protezzjoni għall-korpi tal-ilma u għall-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar. Il-fatt li l-objettivi tal-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għadhom ma ntlaħqux għalkollox huwa dovut l-aktar għal finanzjament inadegwat, implimentazzjoni bil-mod u integrazzjoni insuffiċjenti tal-objettivi ambjentali fil-politiki settorjali, aktar milli għal xi nuqqas fil-leġislazzjoni;

8.

il-kontroll tal-idoneità jidentifika s-sustanzi kimiċi bħala qasam fejn hemm lok biex jittejbu u jinkisbu riżultati aħjar. Filwaqt li xi evidenza turi li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art wasslu għal tnaqqis fit-tniġġis kimiku tal-ilmijiet tal-UE, l-analiżi tindika tliet oqsma li fihom il-qafas leġislattiv attwali huwa subottimali: differenzi nazzjonali (varjabbiltà fil-listi ta’ sustanzi niġġiesa lokali) u l-valuri ta’ limitu li dawn ma għandhomx jaqbżu; il-lista ta’ sustanzi ta’ prijorità (proċess twil); u l-fatt li d-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art jevalwaw ir-riskju għan-nies u għall-ambjent prinċipalment abbażi ta’ sustanzi individwali, u ma jqisux l-effetti kkombinati tat-taħlitiet, u inevitabbilment ikopru biss proporzjon żgħir tas-sustanzi preżenti fl-ambjent;

9.

jirrimarka li l-kwalità tar-riżorsi ta’ ilma tax-xorb għadha mhedda; għaldaqstant jinnota b’dispjaċir il-fatt li l-kontroll tal-idoneità jonqos milli jiffoka fuq il-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma li jirrigwarda n-nuqqas ta’ deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb u t-tnaqqis tal-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb; l-operaturi tal-ilma tax-xorb għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq riżorsi tal-ilma ta’ kwalità għolja biex inaqqsu l-kost tat-trattamenti; jistieden lill-Kummisjoni u lill-koleġislaturi jiżguraw standards għoljin ta’ kwalità u sikurezza, kif ukoll koerenza fil-politiki b’rabta mar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-aċċess għall-ilma (3);

10.

jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-kontroll tal-idoneità ma jagħmilx analiżi aktar fil-fond tal-impatt tas-sentenza Weser (4) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ deterjorament u ta’ titjib previsti fl-Artikolu 4(1) u tal-klawżoli ta’ eżenzjoni stabbiliti fil-paragrafi (4) sa (7) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jwasslu għal inċertezzi legali kemm għall-operaturi kif ukoll għall-awtoritajiet; B’mod partikolari, tinħtieġ analiżi aktar dettaljata dwar kif jiġu affettwati l-attivitajiet li jipproteġu l-ambjent (eż. l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi) jew li jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-ġestjoni tal-enerġija u tar-riżorsi;

11.

jenfasizza li bħalissa aktar minn nofs il-korpi tal-ilma Ewropej kollha huma soġġetti għal eżenzjonijiet, l-isfidi biex jinkisbu riżultati ta’ suċċess sal-2027 huma sostanzjali f’termini konservattivi u mhuwiex probabbli li jinkisbu sal-iskadenza tal-2027; jenfasizza, għalhekk, li l-isforzi, ir-riżorsi, l-implimentazzjoni aħjar u l-infurzar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma se jkollhom jiżdiedu b’mod sinifikanti, u jisħaq dwar il-fatt li anke wara l-2027, il-protezzjoni tal-ilma skont ir-regoli tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma trid tissokta;

12.

jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa l-evalwazzjoni b’esperjenza mill-Istati Membri li japplikaw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Weser. Huwa ta’ tħassib li diversi pajjiżi mhumiex jimplimentaw id-Direttiva b’mod suffiċjenti, iżda mhijiex raġuni biex jiġu injorati l-problemi legali li tqajmu f’pajjiżi li qegħdin jimplimentaw id-Direttiva kif suppost;

C.   Koerenza tal-politika: id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-leġislazzjoni l-oħra tal-UE

13.

iħeġġeġ inqas ħsieb kompartimentalizzat dwar l-ilma u koerenza u koordinazzjoni akbar fil-leġislazzjoni kollha interrelatata tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tat-tħassib dwar it-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari u s-sustanzi niġġiesa emerġenti. Il-ġestjoni tal-ilma reżiljenti għat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE u għandha tiġi stabbilita mira ċara u ambizzjuża fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-adattament għalih;

14.

jenfasizza l-interkonnessjoni bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar ma’ politiki oħra fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu, bħall-ippjanar tal-art, l-agrikoltura, il-produzzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari l-enerġija idroelettrika (u l-provvista tal-enerġija), l-enerġija termali tal-ilma għat-tisħin u t-tkessiħ, it-trasport fuq l-ilma, is-saħħa tal-bniedem, it-turiżmu, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva dwar in-Nitrati, eċċ.;

15.

jilqa’, f’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni parallela tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, pilastru ċentrali tas-servizz tal-ilma mormi fl-Ewropa, b’riżultati simili għall-kontroll tal-idoneità: il-ħtieġa għal implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-istrumenti legali eżistenti li tagħti bidu għal benefiċċji soċjali u ambjentali sostanzjali. Madankollu, jiddispjaċih li l-evalwazzjoni ma analizzatx l-effikaċja tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi fir-rigward tar-rimi ta’ ilma industrijali mormi fis-sistemi ta’ ġbir u fl-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi. Bl-istess mod, jiddispjaċih li ma kienx hemm analiżi legali dwar kif in-nuqqas ta’ koerenza bejn l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-Artikoli 10, 7 u 2(9) tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi jaffettwa l-iżjed impjanti effiċjenti tat-trattament tal-ilma mormi tal-Ewropa;

16.

jenfasizza, barra minn hekk, d-diskrepanzi fl-approċċi tal-Istati Membri dwar il-fosfru u l-ewtrofikazzjoni, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm koerenza akbar bejn id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

17.

iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni Ewropea twettaq aktar infurzar tal-obbligi legali li jkopru l-pressjonijiet ewlenin fuq l-ambjent akkwatiku, bħal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva dwar in-Nitrati u mid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi. Għandha tingħata attenzjoni vitali lil mikrosustanzi niġġiesa emerġenti ġodda li jinkludu l-mikroplastiċi u l-farmaċewtiċi, peress li t-teknoloġiji attwali użati fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi mhumiex kompletament kapaċi li jneħħu l-mikrosustanzi niġġiesa;

18.

jenfasizza li l-agrikoltura intensiva hija fost il-pressjonijiet prinċipali fuq l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, inkluż permezz tal-astrazzjoni tal-ilma u t-tniġġis minn pestiċidi, fertilizzanti u residwi farmaċewtiċi minn antibijotiċi tal-bhejjem. Il-Politika Agrikola Komuni li jmiss trid tqis bis-sħiħ l-impatt tal-attività agrikola fuq l-ilma u trawwem tranżizzjoni lejn prattiki aktar favur l-ilma. Is-soluzzjonijiet jistgħu jinkludu proposti biex il-kundizzjonalità ambjentali titwessa’ għall-aċċess għall-pagamenti għad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, il-promozzjoni ta’ biedja aktar ekoloġika permezz ta’ “ekoskemi”, kif ukoll l-inkoraġġiment ta’ djalogu u skambji tal-aħjar prattiki li fihom jieħdu sehem attiv l-operaturi tal-ilma, l-NGOs rilevanti u l-bdiewa;

19.

ifakkar li l-ilma huwa determinant ewlieni ta’ bijosfera li tiffunzjona sew, ta’ bijoproduttività u ta’ kapaċità ta’ assorbiment, u li jaffettwa u huwa affettwat mill-attivitajiet ta’ bosta setturi ekonomiċi differenti, b’mod partikolari l-agrikoltura, l-enerġija u l-industrija. Id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa jew li jmiss fiċ-ċiklu leġislattiv attwali huma opportunità kbira biex jiġi żgurat li l-ilma u l-objettivi ġenerali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jiġu inklużi fil-politiki li jkopru setturi oħra. Jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jispeċifika b’mod ċar objettivi ambizzjużi biex jitnaqqsu l-użu tar-riżorsi, it-tniġġis u t-tossiċità; konsegwentement, strateġiji bħalma huma “l-pjan ta’ azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari”, “il-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero”, u l-istrateġiji ġodda tal-“bijodiversità” u “mill-għalqa sal-platt” għandhom jinkorporaw b’mod ċar l-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għal koerenza politika sħiħa;

20.

jenfasizza l-potenzjal tal-użu tal-ilma reklamat għat-tisqija agrikola biex titnaqqas l-iskarsezza tal-ilma, jingħata appoġġ għall-adattament għat-tibdil fil-klima u tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari. F’dan ir-rigward jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kunsill u l-Parlament adottaw ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, u jtenni l-pożizzjoni tiegħu dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma kif iddikjara fl-Opinjoni korrispondenti (5);

21.

jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ kompletament operattiva għall-ġbir regolari ta’ data mkejla u aġġornata dwar ir-residwu tal-pestiċidi fl-ambjent (speċjalment fil-ħamrija u fl-ilma) possibbilment abbażi tal-esperjenza ta’ suċċess tas-sistema għall-monitoraġġ tal-ħamrija LUCAS (stħarriġ qafas statistiku tal-użu tal-art taż-żona koperta);

22.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2020 li tipprojbixxi t-thiacloprid, li hija pestiċida bbażata fuq in-neonikotinojde li tqajjem tħassib ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-ilma ta’ taħt l-art, u li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tqis li hija perikoluża għas-saħħa tal-bniedem; jappella wkoll għal projbizzjoni tal-glifosat u għal PAK li tappoġġja t-tmiem tal-użu tal-pestiċidi;

D.   Il-passi li jmiss biex jinkiseb status tajjeb fil-korpi tal-ilma tal-UE

23.

jenfasizza bil-qawwa li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma saret pass importanti għat-titjib tar-riżorsi tal-ilma fl-Ewropa u punt ta’ referenza għall-kontinenti l-oħra. Madankollu, meta jitqiesu l-isfidi emerġenti (eż. it-tibdil fil-klima, il-mikroplastiċi, il-farmaċewtiċi, is-sustanzi kimiċi, l-antibijotiċi, eċċ.) u soluzzjonijiet ġodda (teknoloġiji u metodoloġiji ġodda) matul dawn l-aħħar 20 sena, u fid-dawl tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jeħtieġ li tiġi aġġornata b’mod urġenti;

24.

jappella, f’dan ir-rigward, għal bidla tal-paradigma li tħares lejn il-bijosfera b’mod evoluzzjonarju (li tissensibilizza lin-nies li l-bijosfera dejjem qiegħda tinbidel) u b’mod aktar ekosistemiku (inkluż is-sostenibbiltà tal-baċiri idrografiċi u d-dekarbonizzazzjoni), kif ukoll għall-promozzjoni ta’ fehim aħjar tal-proċessi ekoloġiċi, inklużi ċ-ċikli tal-ilma, tal-karbonju, tan-nitroġenu u tal-fosforu;

25.

jirrimarka li fil-kuntest tal-paradigma l-ġdida, kull baċir idrografiku għandu jitqies bħala “superorganiżmu Platonjan” uniku fejn kombinazzjoni ta’ ġeomorfoloġija, klima, ekosistemi (irqajja’ modifikati mill-bniedem u naturali) u diversi forom ta’ attività tal-bniedem jaffettwaw iċ-ċiklu tal-ilma u l-istatus ekoloġiku. Dan għandu jitqies mhux biss mill-perspettiva tas-sigurtà u tar-riżorsi, iżda primarjament bħala mod kif jiġu ssalvagwardjati l-futur sostenibbli, is-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja tajba għal kulħadd;

26.

jittama li l-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità jħaffu l-iżvilupp ta’ paradigma transdixxiplinarja, integrattiva u soluzzjonijiet innovattivi relatati biex jinkiseb tniġġis żero fir-rigward tal-arja, l-ilma u l-ħamrija fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis essenzjali li l-bijodiversità fix-xmajjar, fil-lagi, fl-artijiet mistagħdra u fl-estwarji tkun preservata u restawrata, kif ukoll biex tiġi evitata u minimizzata kwalunkwe ħsara kkawżata mill-għargħar;

27.

jappella sabiex tiġi żviluppata dimensjoni ġdida u ħolistika tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma li għandha tintegra l-prevenzjoni ta’ għargħar mal-immaniġġjar tal-prevenzjoni tan-nixfa u ma’ miżuri li jsaħħu l-potenzjal tas-sostenibbiltà tal-baċir idrografiku (minn perspettiva ekoidroloġika li tikkonsisti minn ħames elementi: l-ilma, il-bijodiversità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, is-servizzi tal-ekosistema għas-soċjetà u impatti oħra, speċjalment il-kultura u l-edukazzjoni — WBRSC);

28.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni u teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tat-tniġġis minn mikrosustanzi niġġiesa li jinkludu l-pestiċidi, l-antibijotiċi, il-mikroplastiċi u sustanzi perikolużi oħra. jenfasizza li t-tniġġis jeħtieġ li jiġi indirizzat fis-sors permezz ta’ approċċ komprensiv ibbażat fuq proċessi infurmati u parteċipattivi li jinvolvu liċ-ċittadini, li fihom l-atturi kollha jkollhom rwol, u tingħata preferenza għall-aktar soluzzjonijiet ġusti u kosteffettivi. Jeħtieġ li s-soluzzjonijiet jiġu adattati għall-kundizzjonijiet lokali, jindirizzaw il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni, u jirrispondu għall-ħtiġijiet identifikati sew u l-kunsiderazzjonijiet fit-tul aktar milli jiddependu fuq “soluzzjonijiet teknoloġiċi faċli”, kif enfasizzat mill-kontroll tal-idoneità tal-Kummissjoni Ewropea;

29.

jappella għal aktar riċerka u innovazzjoni rigward id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-ilma sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ilma, b’mod partikolari għall-bliet Ewropej li jattiraw numru dejjem jikber ta’ ċittadini, u r-reġjuni Ewropej li qed jintlaqtu dejjem aktar minn fażijiet twal ta’ nixfa;

30.

jipproponi implimentazzjoni urġenti ta’ għodod innovattivi biex jinkiseb stat ekoloġiku tajjeb fil-baċiri idrografiċi Ewropej, bħal soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura (EH-NBS ara r-Rapport Dinji dwar l-Iżvilupp tal-Ilma (WWAP) tal-UNESCO, “Nature-Based Solutions for Water” — mhux disponibbli bil-Malti); jirrimarka li s-soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura jtejbu l-effiċjenza tal-infrastruttura idroteknika, speċjalment f’pajsaġġi agrikoli u urbani, f’termini ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa u li jsaħħaħ il-potenzjal multidimensjonali tas-sostenibbiltà tal-baċir idrografiku tad-WBSRC (l-ilma, il-bijodiversità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, is-servizzi tal-ekosistema għas-soċjetà u impatti oħra, speċjalment il-kultura u l-edukazzjoni) (6). Dawn jippromovu wkoll approċċ olistiku billi jinkoraġġixxu x-xjenza u l-edukazzjoni fil-qasam tas-sostenibbiltà transdixxiplinari;

31.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-impjanti żgħar u medji għat-trattament tad-drenaġġ li għandhom problema permanenti ta’ deklin perjodiku fl-effiċjenza, u jirrakkomanda li jintużaw is-sistemi ta’ bijofiltrazzjoni u sedimentazzjoni sekwenzjali (EH-NBS — Sequential Sedimentation Biofiltration) sabiex jitnaqqsu ż-żidiet qawwija temporanji fir-rilaxx ta’ sustanzi niġġiesa u jinkiseb status ekoloġiku tajjeb tal-ekosistemi tal-ilma ħelu;

32.

jenfasizza li, skont ir-Rapport ta’ Valutazzjoni Dinjija dwar l-Ilma, 5 % biss tal-investimenti konnessi mal-ġestjoni tal-ilma jużaw soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura, filwaqt li għandu jkun hemm aktar. It-tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati u l-ilma tal-maltemp urban jikkostitwixxu kważi 50 % tat-tniġġis totali fil-baċir idrografiku (tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati mill-agrikoltura, mill-pajsaġġ u mill-ilma tal-maltemp urban u mis-superfiċji tal-infrastruttura tat-trasport, u l-ammont ta’ fosfru u nitroġenu minn tniġġis mhux minn sorsi lokalizzati, eż. fil-Baħar Baltiku). Huma jiġu mitigati bl-aktar mod effiċjenti minn soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura. Dan ifisser li s-soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura jeħtieġ li jiġu applikati 10 darbiet aktar ta’ spiss minn issa biex jittaffa l-impatt tat-tniġġis, prinċipalment minn soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura implimentati fil-qafas ta’ prinċipji ekoidroloġiċi;

33.

jenfasizza li biż-żieda fl-impatti tat-tibdil fil-klima, id-Direttiva dwar l-Għargħar għandha tiġi integrata fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex jittejbu l-mili mill-ġdid tal-ilma ta’ taħt l-art, iż-żamma tal-widien tax-xmajjar permezz taż-żamma fil-pjanuri tal-għargħar, polders u r-restituzzjoni tal-livelli tal-ilma fil-lagi u fl-artijiet mistagħdra tal-madwar; jenfasizza li t-titjib taż-żamma fil-baċiri idrografiċi huwa essenzjali, peress li l-ilma — billi jistimula l-produttività bijoloġika — iżid l-akkumulazzjoni tal-karbonju u ċ-ċirkolazzjoni tan-nutrijenti, b’hekk jiġi evitat li n-nutrijenti jnixxu fl-ilma u jiġu rilaxxati fl-atmosfera u għaldaqstant jiġu evitati l-ewtrofikazzjoni u l-proliferazzjoni ta’ alga tossika;

34.

jissottolinja li l-Politika Agrikola Komuni, id-Direttiva dwar in-Nitrati u r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti għandhom jiġu armonizzati mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati (in-nitroġenu u l-fosforu), li dan l-aħħar iġġenera bejn 20 % u 50 % tal-ammont tan-nutrijenti fil-lagi, fir-riżervi u fiż-żoni kostali. F’reġjuni fejn hemm konċentrazzjoni ta’ trobbija industrijalizzata tal-bhejjem, jidher li huwa diffiċli li jintlaħaq dan l-objettiv jekk il-PAK u l-politiki nazzjonali ma jiħdux l-impenn — f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, u l-istrateġiji dwar il-bijodiversità u “mill-għalqa sal-platt” — biex din it-tip ta’ biedja titnaqqas b’mod sostanzjali. Il-bini ta’ żoni ekotoni li jkunu effettivi ħafna, magħmula minn denitrifikazzjoni u ostakli ġeokimiċi, fejn jiltaqgħu l-art u l-ilma, jista’ jikkontribwixxi għal dan. jenfasizza li ż-żieda fil-kumplessità tal-pajsaġġ agrikolu (ekotoni fejn jiltaqgħu l-art u l-ilma, ringieli ta’ siġar u faxex kennija) inaqqas it-telf tal-ilma mill-ħamrija ikkawżat minn irjieħ qawwija, iżda jipprevjeni wkoll it-telf ta’ materja organika u ta’ karbonju mill-ħamrija. Għalhekk, metodi bħal dawn (ekotoni fejn jiltaqgħu l-art u l-ilma, ringieli ta’ siġar u faxex kennija), kif ukoll miżuri oħra biex iżidu ż-żamma tal-ilma fil-pajsaġġ, għandhom jiġu inkorporati fl-istrateġija tal-bijoekonomija. Dan jista’ jżid il-qbid u l-ħżin tal-karbonju b’mod konsiderevoli, li huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku;

35.

jenfasizza li minħabba li l-ilma tal-maltemp f’żoni urbani jista’ jiġġenera bejn 10 % u 20 % tal-ammont ta’ sustanzi niġġiesa fil-baċir idrografiku, il-mitigazzjoni effettiva ta’ dan l-impatt tista’ tinkiseb — speċjalment f’żoni ta’ bini ġdid — permezz ta’ soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura avvanzati bi prezz baxx, bħal sistemi ta’ sedimentzzjoni-bijofiltrazzjoni sekwenzjali u sistemi ibridi li jintegraw infrastruttura idroteknika tradizzjonali mas-soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura. Dan għandu jkun ikkoordinat ma’ miżuri li jadattaw l-ambjent mibni għal klima li qed tinbidel. Fejn ikun prattikabbli, is-soluzzjonijiet għandhom jiġu applikati wkoll għall-istokk tal-bini eżistenti;

36.

jinnota li, fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-riforma tal-PAK, il-KtR ippropona li jiġu inklużi ħames objettivi ambjentali kwantifikabbli (sal-2027) fil-PAK li jmiss, inkluża garanzija li 100 % tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ikunu konformi mad-Direttiva dwar in-Nitrati mingħajr ebda eżenzjoni;

37.

jirrimarka li l-perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-pjani ta’ ġestjoni tal-baċiri idrografiċi huwa qasir wisq, peress li r-rispons ambjentali jista’ jieħu ħafna aktar fit-tul miċ-ċiklu ta’ sitt snin. jirrakkomanda, għalhekk, li l-perjodi tal-ippjanar jiġu estiżi tal-inqas b’żewġ perjodi oħra sal-2039 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw proġetti innovattivi fit-tul (7);

38.

iqis li peress li l-pjani tal-baċiri idrografiċi u l-pjani nazzjonali ta’ xi Stati Membri ma fihomx soluzzjonijiet għal insedjamenti b’riskju baxx ta’ għargħar, kwalunkwe kostruzzjoni, inklużi r-rinnovazzjonijiet li jiffavorixxu l-protezzjoni mill-għargħar saru impossibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha għandhom jappoġġjaw aktar lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet fattibbli;

39.

jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza akbar bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi li huwa kompatibbli mal-objettivi ambjentali tal-UE u mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) sabiex jiżdiedu l-isforzi ta’ monitoraġġ u sussegwentement jiġu identifikati l-aħjar miżuri. Is-sustanzi kimiċi perikolużi jridu jitwaqqfu fis-sors, u l-manifatturi jrid ikollhom aktar responsabbiltà fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jqiegħdu fis-suq;

40.

jappella li fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku jiġi esplorat l-użu tal-korpi tal-ilma, b’mod partikolari l-potenzjal tal-irziezet tat-tkabbir tal-alga bħala mezz naturali għall-qbid tal-karbonju u bħala sors ta’ enerġija newtrali fil-karbonju u ta’ għalf għall-bhejjem;

41.

iqis li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għandhom ikunu parti integrali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma riveduta;

42.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea torbot aħjar id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma mal-karatteristiċi territorjali lokali u reġjonali. Fid-dawl tal-fraġilità relattiva ta’ territorji bl-għoljiet u muntanjużi lokali u reġjonali minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u — b’mod partikolari fil-każ tal-korpi tal-ilma tax-xmajjar Apennini — in-natura dejjem aktar temporanja tagħhom, ir-referenza għall-kundizzjonijiet identifikati għal dan it-tip ta’ korp tal-ilma (u probabbilment il-metodoloġiji ta’ monitoraġġ stabbiliti) ma tirrappreżentax b’mod adegwat l-objettivi. Dan jirriżulta fi klassifikazzjoni li tissottovaluta l-kwalità tagħhom anke fin-nuqqas ta’ pressjoni antropika, li hija kritika ħafna u li hija aggravata bit-tibdil fil-klima;

43.

jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jiżdied il-potenzjal tal-implimentazzjoni fi bliet u reġjuni madwar l-UE billi tespandi l-pjattaformi eżistenti għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għarfien espert, kif ukoll tipprovdi għodod finanzjarji li jappoġġjaw it-trasferiment ta’ metodi innovattivi u soluzzjonijiet sistemiċi bejn ir-reġjuni;

44.

jemmen li, meta jitqiesu d-dimensjonijiet kulturali, storiċi u soċjali tal-korpi tal-ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, bil-kamp ta’ applikazzjoni komprensiv tagħha, għandha tintuża biex tippromovi l-kooperazzjoni transdixxiplinari u t-trasparenza, u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini bħala “partijiet interessati” sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż dwar aspetti ekonomiċi li jkopru s-servizzi ambjentali kollha, aktar milli dawk relatati biss mal-provvista tal-ilma u t-trattament;

45.

f’dan il-kuntest, f’konformità mal-governanza tajba, jappella li tiġi żviluppata metodoloġija għal djalogu regolari bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà u x-xjenzjati (“ix-xjenza mill-pubbliku”) sabiex jissaħħaħ l-involviment tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

46.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-utilitajiet tal-ilma bi sjieda pubblika sabiex jipparteċipaw fl-inizjattiva Water Erasmus li tippermetti lill-persunal tekniku jżur kontropartijiet fi Stati Membri oħra sabiex jitgħallem mill-prattiki ta’ ġestjoni tal-ilma tagħhom. L-iskambji ta’ dan it-tip, kif ukoll ta’ inizjattivi oħra bħal workshops tekniċi, għandhom jiżdiedu, peress li dawn jipprovdu opportunità biex ikun hemm sensibilizzazzjoni, jitrawwem id-djalogu, tagħlim dwar soluzzjonijiet u tinbena l-kapaċità;

47.

jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-istrumenti kollha biex tevita kull tip ta’ ħela tal-ilma u tiżgura l-manutenzjoni tajba tal-faċilitajiet tal-fluss tal-ilma;

48.

jistieden lill-Kummissjoni tfakkar lill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali kollha li l-ilma huwa ben pubbliku essenzjali u, fid-dawl ta’ dan, jimplimentaw aħjar il-politiki dwar l-ipprezzar tal-ilma f’konformità mal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u biex tirreferi għall-unitajiet domestiċi, għall-agrikoltura u għall-industrija bħala “utenti tal-ilma”, kif ukoll biex tirrakkomanda l-użu ta’ miżuri ta’ pprezzar bħal tariffi tas-sajf jew tariffi skont il-faxex ta’ konsum, biex tippromovi l-konservazzjoni tar-riżorsa. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu jiġi applikat b’mod sħiħ permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament sostenibbli bħar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

49.

jenfasizza li t-tnaqqis fir-riżorsi globali tal-ilma joħloq disparitajiet fuq skala globali, li jistgħu jiġġeneraw kunflitt reġjonali u globali. Sabiex dan jiġi evitat, huwa importanti ħafna li jiġu kondiviżi paradigmi ġodda, metodoloġiji ġodda u soluzzjonijiet sistemiċi ġodda madwar id-dinja, speċjalment ma’ żoni fejn ir-riżorsi tal-ilma huma limitati, bħall-Afrika u l-Lvant Nofsani. jipproponi li l-Kummissjoni teżamina l-potenzjal għal kooperazzjoni mal-Programm Idroloġiku Intergovernattiv tal-UNESCO, biex jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fil-kisba tas-sostenibbiltà globali tal-ilma;

50.

jappella li jkun hemm infurzar tal-protezzjoni tas-sorsi tal-ilma anke fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi aderenti tal-UE.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent Nru 7/2018, p. 6.

(2)  https://europa.eu/citizens-initiative/water-and-sanitation-are-human-right-water-public-good-not-commodity_mt

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (COM/2017/0753 final — 2017/0332 (COD)).

(4)  Stqarrija għall-istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2015-07/cp150074en.pdf

It-test sħiħ tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=865AA46C1FFD406065B2F1AE4400A100?text=&docid=166623&pageIndex=0&doclang=MT&mode=req&dir=&occ=first&part=1&cid=4494760

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma” (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 353).

(6)  Ecohydrology as an integrative science from molecular to basin scale: historical evolution, advancements and implementation activities. (L-ekoidroloġija bħala xjenza integrattiva mill-iskala molekulari sal-iskala tal-baċiri: evoluzzjoni storika, avvanzi u attivitajiet ta’ implimentazzjoni — mhux disponibbli bil-Malti).

Prof. M. Zalewski Ecohydrology and Hydrologic Engineering: Regulation of Hydrology-Biota Interactions for Sustainability. (L-ekoidroloġija u l-inġinerija idroloġika: regolazzjoni tal-interazzjonijiet idroloġija-biota għas-sostenibbiltà — mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Eżempju wieħed huwa l-introduzzjoni mill-ġdid tas-salamun, li fis-snin 50 kien qed jisparixxi b’mod progressiv mix-xmara Renu. Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tar-Renu bdiet timplimenta miżuri prattiċi fl-1991, iżda r-riżultati ta’ suċċess kienu viżibbli biss 20 sena wara.

(8)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/35


Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-futur tal-politika tal-UE għal Arja Nadifa fil-qafas ta’ ambizzjoni ta’ tniġġis żero

(2020/C 324/06)

Relatur:

János Ádám KARÁCSONY (HU/PPE), Memru tal-Kunsill ta’ Tahitótfalu

Dokument ta’ referenza:

Opinjoni ta’ prospettiva

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti introduttorji

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt Ekoloġiku Ewropew (1) propost mill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi – waħda mit-tliet prijoritajiet imsemmija mill-Kummissarju l-ġdid għall-Ambjent – u fuq kollox il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija li għandu jiġi adottat fl-2021;

2.

jinnota l-appoġġ pubbliku li qed jiżdied fl-UE għal azzjoni ambizzjuża biex tittejjeb il-kwalità tal-arja, kif irrappurtat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru Speċjali 2019 dwar l-attitudnijiet lejn il-kwalità tal-arja. It-tħassib dejjem jikber dwar it-tniġġis tal-arja f’kuntest ta’ mobilizzazzjoni qawwija taż-żgħażagħ favur l-ambjent huwa l-punt ta’ tluq għal azzjoni ambizzjuża f’dan il-qasam;

3.

jinnota li t-tniġġis tal-arja għadu l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-UE, u huwa responsabbli għal kważi 500 000 mewta prematura (għaxar darbiet l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku) kull sena. It-tniġġis tal-arja għandu rabta mal-mard respiratorju u kardjovaskulari, puplesiji u kanċer. Għandu wkoll effetti negattivi sinifikanti fuq il-klima, l-ekosistemi, l-ambjent mibni – inkluż il-wirt kulturali – u l-ekonomija;

4.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li fil-politiki futuri ninkludu dak li tgħallimna mill-pandemija tal-COVID-19. Minn naħa, hemm rabta potenzjali bejn it-tniġġis tal-arja u l-gravità tal-konsegwenzi tal-infezzjoni bil-virus tal-COVID-19 (2), u għalhekk il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja għandha tkun fost l-ogħla prijoritajiet tal-pjan ta’ rkupru tal-UE. Min-naħa l-oħra, tnaqqis sinifikanti fit-traffiku, fil-produzzjoni industrijali u f’attivitajiet oħrajn matul il-curfews irriżultaw f’livell sinifikament aktar baxx ta’ tniġġis tal-arja u akustiku. Iċ-ċittadini jistgħu jaraw b’mod aktar ċar li ambjent aktar f’saħħtu, inqas traffiku, spazji pubbliċi aktar miftuħa u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma essenzjali għall-benesseri tagħhom. Hemm appoġġ qawwi għal din l-opportunità storika biex nibnu xi ħaġa aħjar;

5.

josserva li l-kwalità tal-arja fl-Ewropa kompliet titjieb b’mod gradwali matul dawn l-aħħar snin, iżda ħafna Stati Membri mhux qed jiħqu l-istandards attwali, u li aktar minn nofshom bħalissa huma soġġetti għal proċeduri ta’ ksur. Jinnota wkoll li l-livelli ta’ materja partikulata fina (PM2.5), waħda mill-aktar forom ta’ tniġġis perikolużi għas-sistema respiratorja tal-bniedem, ma naqsu bl-ebda mod sinifikanti fl-Ewropa;

6.

japprezza l-ħidma li qed issir mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jivvalutaw u jindirizzaw it-tniġġis tal-arja (3);

7.

itenni t-talba tiegħu għal approċċ integrat, politika Ewropea ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors u rabtiet bejn il-politiki tal-immissjonijiet u l-emissjonijiet, kemm fir-rigward tal-ambizzjonijiet kif ukoll tal-iskedi taż-żmien (4). Jappella li jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni taċ-Ċentri Reġjonali tal-KtR (5) li analizzat l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali u dik dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet, u r-rakkomandazzjonijiet fl-Opinjoni tiegħu “Lejn it-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” (6);

8.

ifakkar ir-responsabbiltà partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-qasam għall-ġenerazzjonijiet futuri, kif ukoll għaċ-ċittadini tal-lum, speċjalment għall-gruppi li huma aktar vulnerabbli u għalhekk huwa konvint, abbażi tal-esperjenza matul il-kriżi tal-COVID-19 li l-bidla hija possibbli. Għalhekk jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin;

Inizjattivi ġodda possibbli

Miżuri leġislattivi

9.

jinnota li l-eżiti tal-Kontroll tal-Idoneità li d-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja ambjentali kienu effettivi parzjalment fir-rigward tat-titjib tal-kwalità tal-arja iżda fadal lok għal titjib. Il-KtR jirrakkomanda li, matul reviżjoni bħal din, l-inklużjoni possibbli tal-partikoli ultrafini u tal-karbonju iswed, li t-tnejn għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa, għandhom jiġu kkunsidrati, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mid-WHO. Barra minn hekk, fir-rigward tal-effetti fuq is-saħħa, l-enfasi għandha tersaq minn fuq il-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja għal fuq l-esponiment tan-nies għat-tniġġis tal-arja; jistenna bil-ħerqa l-proposti leġislattivi rilevanti fi żmien debitu u se jikkontribwixxi għal dawn il-proċeduri jekk u meta jkun xieraq b’suġġerimenti mill-perspettiva lokali u reġjonali;

10.

jaqbel li r-regoli attwali dwar il-monitoraġġ jipprovdu bażi tajba biex tinkiseb data għall-kejl tal-kwalità tal-arja li tkun komparabbli u affidabbli. Madankollu, is-sistemi ta’ monitoraġġ li ntgħażlu mill-Istati Membri individwali għandhom jiġu armonizzati ulterjorment. Il-KtR jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar mill-qrib fl-għażla tal-lokalizzazzjoni tas-siti speċifiċi tal-kejl;

11.

jinnota, kif irrappurtat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE ġew stabbiliti kważi 20 sena ilu u li wħud minnhom huma ferm iktar dgħajfa mil-linji gwida tad-WHO u l-livell rakkomandat skont l-aħħar evidenza xjentifika dwar l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem;

12.

jappoġġja t-tħabbira tal-Kummissjoni Ewropea li tipproponi li l-istandards tal-kwalità tal-arja jkunu allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida tad-WHO, li qed jiġu riveduti bħalissa iżda jiġbed l-attenzjoni tagħha għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Filwaqt li wieħed għandu jqis l-għadd kbir ta’ Stati Membri li ma jissodisfawx l-istandards attwali, ikun xieraq li tiġi pprovduta aktar għajnuna għall-implimentazzjoni fejn hemm meħtieġ, u skedi taż-żmien – bil-għan li tinkiseb il-konformità – li jkunu adatti u ssorveljati b’mod strett. Il-KtR iqis li r-regoli dwar l-emissjonijiet huma approċċ partikolarment effettiv u għalhekk jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni biex dawn jiġu ssikkati; fl-istess ħin, il-KtR jilqa’ l-fatt li ċerti Stati Membri, reġjuni jew bliet jistgħu, u diġà qegħdin, japplikaw valuri ta’ limitu aktar stretti fuq l-inizjattiva tagħhom stess jekk jixtiequ jagħmlu dan;

13.

jenfasizza l-ħtieġa li ssir aktar enfasi fuq ir-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet bħala mod aħjar biex tinkiseb arja nadifa billi jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-sors (il-prevenzjoni tat-tniġġis). Id-Direttiva NEC tistabbilixxi impenji ta’ tnaqqis ambizzjużi għall-Istati Membri, iżda hemm ukoll il-ħtieġa għal regolamenti settorjali fl-UE kollha. Il-leġislazzjoni tal-UE tista’ tiżgura kundizzjonijiet aktar ekwi, peress li rekwiżiti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet lokali aktar stretti jista’ jkollhom effetti ekonomiċi negattivi. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha wkoll tipprevjeni li t-tniġġis jiċċaqlaq lejn post ieħor, eż. bejn bliet, pajjiżi jew kontinenti ġirien jew bl-esportazzjoni tal-karozzi diesel mill-bliet tal-Ewropa tal-Punent, li jipprojbixxu l-użu tagħhom, lejn l-Ewropa tal-Lvant, l-Afrika jew partijiet oħra tad-dinja. Xi oqsma li għadhom ma ġewx irregolati reċentement għandhom jingħataw aktar attenzjoni: dawn jinkludu tbaħħir (intern), emissjonijiet mhux tal-egżost relatati mat-trasport bit-triq (użu ta’ brejkijiet u tajers), ġeneraturi li jaħdmu bid-diesel (enerġija urbana), l-avjazzjoni, jew impjanti ta’ kombustjoni żgħar (<1 MWth) bħal stufi u bojlers domestiċi li jaħarqu l-injam u l-faħam. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-kundizzjonijiet reali tas-sewqan u tal-użu;

Finanzjament

14.

jirrimarka li hemm nuqqas ġenerali ta’ finanzjament tal-UE mmirat b’mod speċifiku għall-miżuri tal-kwalità tal-arja, għall-abbozzar u l-implimentazzjoni ta’ Pjani dwar il-Kwalità tal-Arja, u għall-monitoraġġ f’ħin reali u t-titjib tal-kwalità tal-arja b’mod ġenerali. Il-proċess biex jinkiseb il-finanzjament huwa wkoll meqjus bħala diffiċli, u għalhekk dan għandu jiġi ssemplifikat b’mod sostanzjali biex jiġi żgurat li t-talbiet għall-finanzjament jirnexxu. Il-ġbir ta’ riżorsi finanzjarji għal dan il-finanzjament għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

15.

jinnota li t-tniġġis serju minn materja partikolata jolqot b’mod partikolari lill-agglomerazzjonijiet urbani kbar, ir-reġjuni industrijalizzati ħafna u l-ifqar żoni fl-UE li, f’ħafna każijiet, jiffaċċjaw ukoll il-faqar enerġetiku. Għalhekk, it-tranżizzjonijiet settorjali (l-agrikoltura, it-trasport, l-industrija u l-enerġija) u t-tniġġis tal-arja għandhom jiġu ttrattati b’mod integrat, abbażi ta’ approċċ imfassal apposta. Il-finanzjament huwa essenzjali, peress li s-suċċess tal-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kwalità tal-arja huwa influwenzat b’mod sinifikanti mir-riżorsi finanzjarji. Barra minn hekk, xi reġjuni ma jbatux biss minn kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li mhumiex favorevoli, iżda wkoll minn sitwazzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi negattivi, u għalhekk jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex jiġġieldu t-tniġġis tal-arja;

16.

jenfasizza l-isfidi tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, inkluż it-titjib tal-kwalità tal-arja, għall-komunitajiet lokali u reġjonali. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-KE dwar “Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa” u jitlob lill-Kummissjoni tissemplifika l-opportunitajiet għall-finanzjament tal-UE, u żżid l-aċċess għalihom, b’mod partikolari l-FEŻR, LIFE il-FAEŻR, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, bħala mezzi biex jintlaħqu għanijiet usa’ li jaġevolaw ukoll il-kwalità tal-arja, speċjalment dawk inklużi fil-pjani dwar il-kwalità tal-arja taħt id-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li tiġi żgurata koerenza bejn il-proġetti ffinanzjati mill-UE u l-politiki tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jiġu massimizzati l-impatti tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jippromovu l-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-istrateġiji, il-politiki u l-programmi adatti;

17.

jappella għall-introduzzjoni ta’ inċentivi jew rikonoxximent għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom prestazzjoni pożittiva;

It-titjib tal-implimentazzjoni

Governanza f’diversi livelli, kooperazzjoni, implimentazzjoni u infurzar

18.

jinnota li l-Kontroll tal-Idoneità jsemmi l-problemi fir-rigward tal-implimentazzjoni, filwaqt li jindika li l-pjani mhux adegwati tal-kwalità tal-arja u n-nuqqas ta’ impenn tal-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa rriżulta f’dewmien sostanzjali fl-issodisfar tal-istandards tal-kwalità tal-arja; jinnota li raġuni ewlenija għall-effettività limitata tal-pjani dwar il-kwalità tal-arja kienet ukoll il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet tal-vetturi tal-UE, li ma kinux adatti għas-sewqan reali;

19.

josserva li t-tniġġis tal-arja ġej minn sorsi differenti: naturali, transkonfinali, reġjonali u lokali (anke fil-livell tat-triq). Biex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-arja, l-emissjonijiet fil-livelli kollha għandhom jitnaqqsu sabiex kull livell iġorr is-sehem tiegħu stess tar-responsabbiltà. Titjib effettiv ser jeħtieġ kooperazzjoni u komunikazzjoni mill-qrib u aktar effettiva bejn il-livelli differenti tal-gvern. L-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ta’ koordinazzjoni bejn il-livell lokali u dak nazzjonali, u l-prattiki tajba għandhom jinġabru u jixterrdu. Il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża biex tinkludi kumpaniji, korpi xjentifiċi, u partijiet interessati rilevanti oħra, kif ukoll il-pubbliku ġenerali;

20.

jinnota li għodod speċifiċi, bħal TAIEX-EIR bejn il-pari, diġà huma disponibbli u qed jintużaw b’suċċess minn diversi Stati Membri u awtoritajiet lokali u reġjonali;

21.

jilqa’ l-isforzi biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali kontra t-tniġġis transkonfinali tal-arja. Kemm il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Istati Membri huma involuti mill-qrib f’ċerti gruppi ta’ ħidma, task forces u programmi ta’ kooperazzjoni skont il-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, imsejħa wkoll fil-qosor il-Konvenzjoni dwar l-Arja skont il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE). Il-KtR jilqa’ wkoll it-tnedija, tas-sena li għaddiet, tal-Forum għall-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar it-Tniġġis tal-Arja, li jista’ jħaffef it-titjib fil-kwalità tal-arja madwar id-dinja kollha permezz tat-tixrid u l-kondiviżjoni tal-għarfien li nġabar sal-lum; jenfasizza wkoll li l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali (kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn il-fruntieri esterni tal-UE) tista’ tkun importanti u li l-istrument tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) jista’ jipprovdi qafas utli għal tali inizjattivi;

22.

jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni u koerenza transsettorjali tal-oqsma rilevanti ta’ politika. Il-miżuri għandhom jindirizzaw kull sors tat-tniġġis tal-arja b’mod integrat: it-trasport (kemm dak bit-triq u mod ieħor), l-enerġija (inkluż it-tisħin domestiku), l-agrikoltura u l-industrija, filwaqt li jitqiesu oqsma ta’ politika rilevanti oħra bħat-tibdil fil-klima jew is-saħħa. Dawn il-politiki jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku (eż. miżuri għall-iffrankar tal-enerġija), iżda f’xi każijiet il-politiki (eż. il-promozzjoni tal-kombustjoni tal-bijomassa jew dawk li jappoġġjaw il-karozzi diesel) jista’ jkollhom impatti negattivi fuq il-kwalità tal-arja. Is-sinerġiji għandhom jiġu sfruttati u d-dispożizzjonijiet kontroproduttivi għandhom jiġu evitati. Il-miżuri rilevanti kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom jintużaw biex jgħinu fil-kisba tal-objettivi attwali fir-rigward tal-kwalità tal-arja: mhux biss il-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero, iżda wkoll l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030, l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà intelliġenti u sostenibbli u l-liġi dwar il-klima;

23.

jinnota li l-agrikoltura s’issa hija s-settur l-inqas effettiv f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-emissjonijiet (l-ammonijaka hija prekursur tal-materja partikolata). Għalkemm miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-agrikoltura diġà huma disponibbli, u teknikament u ekonomikament vijabbli, miżuri bħal dawn għadhom mhux qed jintużaw b’mod wiesa’. Wara li għaddiet minn sensiela ta’ riformi biex issaħħaħ is-sostenibbiltà ambjentali tagħha, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandha taqdi aħjar dawn l-għanijiet. Għandhom jiġu kkunsidrati miżuri ġodda jew aktar stretti matul in-negozjati dwar il-ġejjieni tal-PAK wara l-2020, inklużi, pereżempju, l-ekoskemi;

24.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni ulterjuri lejn mobbiltà b’emissjonijiet żero; għandha tiġi kkunsidrata l-armonizzazzjoni taż-Żoni ta’ Emissjonijiet Baxxi u Żero fl-Ewropa kollha. Konxji mill-fatt li t-tnaqqis tat-tniġġis f’żoni taħt lockdown matul il-COVID-19 huwa temporanju, il-bliet diġà ħadu azzjonijiet biex inaqqsu l-effett tat-traffiku – wessgħu l-bankini, fetħu toroq apposta għar-roti, naqqsu l-limiti tal-veloċità eċċ. Sar ukoll viżibbli li l-kumpaniji tat-trasport pubbliku għandhom jiġu pprovduti b’mod urġenti b’finanzjament (UE) sabiex dawn jinżammu għaddejjin, biex jirrinnovaw il-flotot b’mezzi li jniġġsu inqas u tiġi evitata bidla għat-trasport motorizzat privat. Jenfasizza li trid tiġi kkunsidrata l-kompetittività tal-manfatturi tal-UE meta jitqiesu u meta jiġu proposti standards ta’ emissjonijiet aktar stretti għall-vetturi petrol u diesel – filwaqt li jappella biex jitfassal approċċ biex mit-traffiku fit-toroq jitneħħew il-magni b’kombustjoni interna, u japprezza l-azzjoni ta’ dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet li diġà stabbilew data finali għall-ammissjoni ta’ karozzi b’magna tal-kombustjoni interna. Il-KtR jopponi l-primjums għax-xiri ta’ vetturi b’magni bħal dawn. Jipproponi, fost l-oħrajn, li tiġi promossa aktar it-teknoloġija tal-vetturi b’emissjonijiet żero u li jitħaffef l-investiment fin-network ferrovjarju Ewropew anke bħala wieħed mill-alternattivi vijabbli possibbli għal dawk li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-problema tat-tisħin residenzjali bi fjuwil solidu. Jidher li l-leġislazzjoni eżistenti dwar l-ekodisinn ma tipprovdix soluzzjoni adatta; għalhekk jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tindirizza din il-kwistjoni fil-kuntest tal-inizjattivi sostenibbli relatati mal-prodotti skont l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, jinħtieġ appoġġ sinifikanti għal persuni bi dħul baxx (faqar enerġetiku), mhux biss biex jiġi sostitwit apparat antik, iżda wkoll biex jiġu żgurati operat u manutenzjoni affordabbli ta’ tagħmir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija; għandhom jiqiesu wkoll l-inċentivi ad hoc għar-rinnovazzjoni tal-binjiet biex jittejjeb ir-rendiment tal-enerġija tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll li tintroduċi regoli dwar il-kwalità tal-fjuwils użati għat-tisħin residenzjali, u toħloq inċentivi adatti, inklużi inċentivi finanzjarji, għal dan il-għan;

26.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu u jaġġornaw il-Programmi Nazzjonali tagħhom għall-Kontroll tat-Tniġġis tal-Arja bħala kwistjoni ta’ urġenza u biex iqisu l-kontributi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u r-reviżjoni tal-programmi;

L-involviment tal-pubbliku

27.

jinnota li għandu jsir aktar użu minn soluzzjonijiet eżistenti tal-IT, minn applikazzjonijiet tat-telefonija mobbli u minn għodod rilevanti oħra biex il-pubbliku jiġi infurmat, filwaqt li l-“qattiel inviżibbli” joħroġ fid-dieher sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku. L-informazzjoni għandha tkun tinftiehem u aċċessibbli faċilment, u għandha tinkludi wkoll kwistjonijiet ta’ saħħa. Is-sit web attwali tal-Indiċi Ewropew tal-Kwalità tal-Arja (7) jagħti informazzjoni komprensiva dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa, iżda għadu relattivament mhux magħruf u jeħtieġ li jiġi ppubbliċizzat b’mod aktar wiesa’. Is-sit web għandu jittejjeb ukoll permezz ta’ mmudellar biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja f’reġjuni, irħula iżgħar u żoni rurali, fejn il-kwalità tal-arja ma titkejjilx mill-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ;

28.

jirrakkomanda biex jiżdiedu l-isforzi tax-xjenza mill-pubbliku. L-applikazzjonijiet tax-xjenza mill-pubbliku ma jistgħux jissostitwixxu d-data ta’ monitoraġġ, peress li l-kwalità tad-data li jipprovdu hija konsiderevolment aktar baxxa, ħaġa li jeħtieġ li tiġi ċċarata mal-pubbliku, iżda jistgħu jikkomplementawha billi jipprovdu informazzjoni ta’ riżoluzzjoni ogħla dwar ix-xejriet fit-tniġġis tal-arja, filwaqt li jinvolvu lill-pubbliku b’mod attiv u jissensibilizzaw lin-nies. L-attivitajiet ta’ riċerka dwar it-tisħiħ tal-affidabbiltà ta’ sensuri (bi prezz baxx) għandhom jiġu appoġġjati u aċċellerati; hija importanti, u tintlaqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-ħidma attwali tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fuq l-istandards għal monitors kompatti tal-kwalità tal-arja kif ukoll l-immudellar għall-kwalità tal-arja;

29.

jirrakkomanda li l-pubbliku ġenerali jiġi infurmat kemm dwar il-problemi, kif ukoll dwar titjib li juri l-eżiti pożittivi potenzjali ta’ azzjoni, inkluż il-potenzjal ta’ forom ta’ enerġija bi tniġġis żero, bħall-enerġija rinnovabbli jew dik nukleari, li jippermettu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiksbu appoġġ għall-miżuri;

30.

jirrimarka li ċ-ċittadini jaqdu rwol ewlieni fit-trażżin tat-tniġġis tal-arja, b’mod partikolari billi jibdlu l-imġiba tagħhom f’ħafna aspetti differenti ta’ ħajjithom, inklużi l-mobbiltà, it-tisħin, l-ikel, iżda wkoll il-konsum ġenerali, li ħafna minnhom huma ġeneralment mhux konxji tiegħu (għalkemm is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku tvarja b’mod konsiderevoli fi ħdan l-UE). It-tnaqqis tal-emissjonijiet jiddependi minn dan il-kontribut, għalhekk iċ-ċittadini għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul l-iżvilupp tal-pjani u l-miżuri dwar il-kwalità tal-arja, sa mill-aktar stadju bikri. Barra minn hekk, apparti l-miżuri regolatorji, il-pjani dwar il-kwalità tal-arja għandhom jinkludu wkoll lil dawk li jissensibilizzaw u jappoġġjaw il-bidliet fl-imġiba taċ-ċittadini fir-rigward tal-mobbiltà tagħhom, eż. biex jużaw inqas il-karozzi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiffaċilitaw din il-ħidma billi jużaw skemi bħal ClairCity. Madankollu jħeġġeġ ukoll għar-rikonoxximent u t-tixrid wiesa’ ta’ inizjattivi lokali, li jinvolvu liċ-ċittadini, bħat-tħawwil ta’ siġar u l-ħolqien ta’ ħitan ħodor fil-bliet, għat-tindif u t-tkessiħ tal-arja urbana;

Armonizzazzjoni, gwida u atti ta’ implimentazzjoni

31.

jirrakkomanda aktar gwida dwar ir-rappurtar u l-immudellar tal-kwalità tal-arja li tkun speċifikament imfassla għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba r-rwol sinifikanti tagħhom f’dan is-settur. L-għodod ta’ rappurtar (inkluż ir-rappurtar elettroniku) għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali. L-awtoritajiet lokali mhux dejjem jista’ jkollhom persunal bil-ħiliet tekniċi meħtieġa jew bil-livell ta’ Ingliż meħtieġ. It-titjib fir-rappurtar elettroniku għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tal-utenti lokali u reġjonali, filwaqt li tkun żgurata l-konsistenza bejn il-kompiti tar-rappurtar assenjati lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-setgħat u r-riżorsi tagħhom f’dan is-settur;

Parteċipazzjoni f’networks u inizjattivi

32.

jirrikonoxxi l-għadd kbir ta’ inizjattivi u networks diġà disponibbli li jindirizzaw il-kwistjonijiet tat-tniġġis tal-arja (is-Sħubija tal-Aġenda Urbana dwar il-Kwalità tal-Arja, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Arja Nadifa fil-Bliet taħt il-Konvenzjoni dwar l-Ajra tal-UNECE (8), il-Forum dwar l-Arja Nadifa tal-UE, il-Patt tas-Sindki, eċċ.). Ħafna minn dawn jipprovdu valur miżjud sinifikanti fil-politika dwar l-arja nadifa, u l-KtR iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikunu aktar involuti f’dawn l-attivitajiet fil-livell tal-UE;

33.

jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE. Il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi jew il-Pjattaforma Teknika għall-Kooperazzjoni dwar l-Ambjent stabbilita mill-KtR u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkunu għodod utli biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitmexxew lejn l-aħjar inizjattivi abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom. Dawn il-pjattaformi għandhom ukoll jgħinu biex jiġbru u jikklassifikaw l-għodod disponibbli, id-dokumenti ta’ gwida jew appoġġ rilevanti ieħor disponibbli mill-Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira, il-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, jew kwalunkwe network jew organizzazzjoni oħra li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħidma tagħhom dwar it-titjib tal-kwalità tal-arja. Għandhom jiġu pprovduti wkoll għarfien espert speċjali u appoġġ tekniku (eż. l-iżvilupp ta’ inventarji tal-emissjonijiet lokali, id-deżinjazzjoni ta’ żoni b’emissjonijiet baxxi, l-użu tal-mudell SHERPA, eċċ.), peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu taħriġ biex jużaw dawn l-għodod;

L-istadji li jmiss

34.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ ċerti aspetti tar-regoli dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-UE u tieħu passi ulterjuri biex tiżgura kooperazzjoni orizzontali u vertikali li tkun effettiva u msaħħa, filwaqt li jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsibu metodi aħjar ta’ kooperazzjoni u komunikazzjoni;

35.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u assoċjazzjonijiet akkreditati tal-kwalità tal-arja responsabbli għall-pjani dwar il-kwalità tal-arja jkunu pprovduti b’finanzjament fir-rigward tal-kwalità tal-arja f’żoni ddeżinjati għall-kwalità tal-arja, bi prijorità għaż-żoni bi tniġġis ogħla tal-arja;

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu kkoordinati u ġestiti n-networks, l-inizjattivi, l-għodod u l-gwida rilevanti, li diġà huma sors ta’ għarfien u esperjenza wiesgħa u li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jtejbu l-ħidma tagħhom biex jiksbu arja aktar nadifa abbażi ta’ għarfien espert u gwida teknika addizzjonali.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt.

(2)  Skont studju li ġie ppubblikat dan l-aħħar, li evalwa l-livelli tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) bħala fattur li jikkontribwixxi għall-imwiet mill-coronavirus (COVID-19), 78 % tal-4 443 mewta kienu f’erba’ reġjuni fit-tramuntana tal-Italja u wieħed ħdejn Madrid fi Spanja. Dawn il-ħames reġjuni kellhom l-agħar taħlita ta’ livelli ta’ NO2 u ta’ kundizzjonijiet tal-fluss tal-arja li ma ppermettewx li t-tniġġis tal-arja jitferrex.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat u implimentat ulterjorment il-qafas ta’ politika tal-UE dwar l-Arja Nadifa: id-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (NEC), li ħadet post id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet, introduċiet rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020-2029 u mill-2030 ’il quddiem; il-Forum dwar l-Arja Nadifa kien pjattaforma ta’ suċċess għad-diskussjoni dwar il-kwalità tal-arja, u l-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali ġew ippubblikati. Il-Kunsill tal-UE dan l-aħħar adotta konklużjonijiet dwar it-Titjib tal-Kwalità tal-Arja. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat Rapport Speċjali Nru 23/2018 — “It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed” (ĠU C 324, 13.9.2018, p. 12), u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħalissa qed tirrevedi l-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja bil-ħsieb li possibbilment toħroġ linji gwida ġodda fl-2021.

(4)  Il-pakkett għal Arja Nadifa għall-Ewropa https://cor.europa.eu/MT/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-1217-2014.

(5)  https://cor.europa.eu/mt/news/Pages/consultation-air-quality.aspx.

(6)  ĠU C 168, 16.5.2019, p. 27.

(7)   http://airindex.eea.europa.eu

(8)  Konvenzjoni fuq it-tniġġis tal-arja transkonfini fuq distanza kbira.


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/41


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — dwar Pjan Direzzjonali għal Idroġenu Nadif — il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal Ewropa newtrali għall-klima

(2020/C 324/07)

Relatur:

Birgit HONÉ (PSE/ DE), Ministru għall-Affarijiet Federali u Ewropej u l-Iżvilupp Reġjonali (Land tas-Sassonja t’Isfel)

Dokument ta' referenza:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-importanza għal UE newtrali għall-klima 2050

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Kunsill Ewropew approva l-mira ta’ UE newtrali għall-klima sal-2050 u li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tistabbilixxi din il-mira fil-liġi permezz tal-proposta tagħha għal-Liġi Klimatika Ewropea (1);

2.

jenfasizza l-importanza li jiġi ġġenerat tkabbir sostenibbli ekoloġiku u soċjali, speċjalment wara l-kriżi tal-COVID-19. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2), b’innovazzjonijiet soċjali u teknoloġiċi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u li ma jagħmlux ħsara lill-klima, għandu jkun element ewlieni tal-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19. L-idroġenu nadif bħala teknoloġija futura issa jrid jiġi promoss b’mod deċiżiv fl-UE;

3.

għalhekk jilqa’ b'mod enfatiku l-preżentazzjoni tal-Kummissjoni ta' strateġija tal-UE għall-idroġenu, li tantiċipa r-rakkomandazzjonijiet ta' din l-Opinjoni (3); bi pjaċir jinnota wkoll li l-proposta riveduta għall-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027 bi pjan ta’ rkupru li jakkumpanjaha tagħmel l-iżvilupp ta' ekonomija tal-idroġenu nadif ħafna aktar fattibbli, u jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iżommu dawn l-opzjonijiet fil-proċess leġislattiv;

4.

ifakkar li l-mira tan-newtralità klimatika timplika trasformazzjoni sħiħa tal-provvista tal-elettriku, tat-tkessiħ u tat-tisħin u, b’mod partikolari, tirrikjedi bidliet profondi fl-industrija u t-trasport. Se jkunu meħtieġa bosta soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli. Madankollu, sabiex jaċċellera l-pass tat-teknoloġiji promettenti, huwa importanti wkoll li jkun jista’ jiġi pprovdut appoġġ immirat għalihom. L-idroġenu nadif u l-materji prima u fjuwils sintetiċi derivati (4) se jkunu essenzjali biex tintlaħaq din il-mira fil-futur u għalhekk għandu jkollhom appoġġ speċifiku; F’dan ir-rigward, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-idroġenu ekoloġiku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

5.

jemmen li f’dan l-istadju bikri ta’ żvilupp tas-suq, tkun idea tajba li jittieħed approċċ miftuħ fir-rigward tal-applikazzjonijiet potenzjali ta’ idroġenu nadif peress li għal ħafna setturi huwa realistiku li jużaw ċerti ammonti ta’ idroġenu nadif. Il-KtR iqis li huwa neċessarju li ssir enfasi fuq applikazzjonijiet promettenti matul l-iżvilupp tas-suq;

6.

jirrimarka, f’dan ir-rigward, li minħabba t-telf fil-proċess tal-konverżjoni, l-użu tal-idroġenu nadif u l-e-fjuwils huwa inqas effiċjenti meta mqabbel mal-użu dirett tal-elettriku rinnovabbli, u dan x’aktarx iwassal biex fit-tul jiġġarrbu spejjeż ogħla għal ħafna applikazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, fit-terminu medju sa dak fit-tul, l-applikazzjonijiet ta’ prijorità ta’ idroġenu nadif/e-fjuwils se jitqiesu bħala dawk fejn l-idroġenu jintuża bħala materja prima jew fejn il-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u elettrifikazzjoni diretta ma jkunux soluzzjonijiet vijabbli (eż. produzzjoni tal-ammonijaka u tal-azzar, trasport b’vetturi tqal u trasport fuq distanzi twal, proċessi ta’ temperatura għolja, ħżin staġjonali tal-elettriku) u partijiet mill-ambjent mibni/tisħin distrettwali, fejn il-pompi tas-sħana jew in-networks tat-tisħin mhumiex effettivi;

7.

jipproponi li l-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal ta’ produzzjoni għall-idroġenu ekoloġiku fl-UE, inkluż fir-reġjuni ta’ livell NUTS 2 inqas żviluppati, u fir-reġjuni ġirien (eż. il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq) b’attenzjoni partikolari għall-kompetizzjoni fl-użu dirett tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, peress li l-għarfien komprensiv u dettaljat tal-potenzjali fattibbli għal xenarji differenti se jkun bażi importanti għall-bini ta’ ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku fl-Ewropa; barra minn hekk, jista’ jiġi analizzat sa liema punt l-idroġenu blu jista’ jintuża bħala soluzzjoni tranżitorja.

8.

jirrakkomanda li l-Istati Membri jinkludu l-promozzjoni ta’ ekonomija tal-idroġenu ekoloġika fl-aġġornament tal-pjani nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) tagħhom fl-2023, u jiżviluppaw strateġiji nazzjonali integrati għall-idroġenu b’ miżuri ta’ implimentazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha. Meta jfasslu u jimplimentaw proġetti bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom kif ukoll mal-komunità xjentifika; Huwa rrakkomandat li kull Stat Membru janalizza l-potenzjal li jipproduċi l-idroġenu ekoloġiku;

Aspetti ta’ sostenibbiltà

9.

jenfasizza li, fuq perjodu ta’ żmien twil, huwa biss l-idroġenu prodott mill-elettroliżi tal-ilma bl-użu ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (idroġenu ekoloġiku) li huwa metodu sostenibbli għall-produzzjoni tal-idroġenu. Din hija r-raġuni għaliex l-idroġenu ekoloġiku għandu jkun fil-qalba tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri biex jibnu ekonomija tal-idroġenu. Sakemm ikun hemm biżżejjed kwantitajiet disponibbli, is-soluzzjonijiet teknoloġiċi temporanji — bħall-idroġenu l-blu — jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni eżistenti tal-idroġenu. Għandu jiġi żgurat li dan ma jfixkilx it-tranżizzjoni għall-idroġenu ekoloġiku meta tiġi żviluppata ekonomija tal-idroġenu. Is-soluzzjonijiet temporanji għandhom joffru benefiċċji reali u sinifikanti f’termini ta’ spejjeż u rapidità tal-implimentazzjoni meta mqabbel mal-idroġenu ekoloġiku u m’għandhomx iwasslu għal dipendenza fit-tul;

10.

iqis li huma meħtieġa klassifikazzjoni tas-sostenibbiltà u ċertifikazzjoni tal-idroġenu/e-fjuwils komprensivi u trasparenti, kif ukoll użu komprensiv u obbligatorju taċ-ċertifikati li jirriżultaw minnhom. Suq għall-idroġenu ekoloġiku jista’ jiżviluppa biss permezz ta’ ċertifikati li huma rigorużi, ċari u differenzjati u li jippermettu wkoll li ssir distinzjoni bejn l-idroġenu blu u dak ekoloġiku. Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bil-proċess tal-klassifikazzjoni tal-gass fil-qafas tal-Forum Ewropew Regolatorju tal-Gass (Forum ta’ Madrid) u biex tressaq proposta mill-aktar fis għal sistema ta’ klassifikazzjoni u ċertifikazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni eżistenti dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; f’dan ir-rigward, jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà tal-fużjoni tas-sistemi paralleli eżistenti ta’ garanziji tal-oriġini (l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II) u taċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà (l-Artikoli 25-31 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II). Il-Kummissjoni għandha tippromovi l-użu internazzjonali tas-sistema ta’ ċertifikati/garanzija tal-oriġini li se tiġi żviluppata fl-UE;

Ir-rwol speċifiku li jaqdu r-reġjuni

11.

jenfasizza li l-idroġenu ekoloġiku jista’ jiġi prodott u jintuża b’mod deċentralizzat u għalhekk jista’ jkun parti minn provvista tal-enerġija futura aktar deċentralizzata, kif deskritt fl-istrateġija fit-tul tal-Kummissjoni dwar “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” (5) u appoġġjata mill-KtR (6). L-idroġenu ekoloġiku jista’ jrawwem l-iżvilupp reġjonali u lokali, peress li partijiet sinifikanti tal-katina tal-valur jistgħu jiġu stabbiliti fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, u b’hekk jiġġeneraw effetti pożittivi għall-impjieg u l-SMEs; barra minn hekk, is-sħana eċċessiva mill-produzzjoni ta’ idroġenu ekoloġiku tista’ tintuża għall-provvista ta’ tisħin lokali u reġjonali, u l-idroġenu li jiġi prodott bħala prodott sekondarju matul ċerti proċessi jista’ jiġi rkuprat u wżat fil-livell lokali u reġjonali;

12.

jenfasizza b’mod espliċitu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-ekonomija tal-idroġenu. Ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiżviluppaw strateġiji tal-idroġenu, programmi ta’ idroġenu ekoloġiku, u proġetti speċifiċi, pereżempju fl-ambitu tas-Sħubija “European Hydrogen Valleys” (7). L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp tas-suq minħabba l-għarfien dettaljat tagħhom dwar iċ-ċirkostanzi lokali, il-konnessjonijiet li għandhom mal-atturi lokali, u s-sorveljanza tagħhom tal-proċessi ta’ ppjanar u ta’ awtorizzazzjoni u ta’ diversi opportunitajiet u inċentivi ta’ finanzjament reġjonali u lokali, l-akkwist pubbliku kif ukoll il-kompetenzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u akkademiku kontinwu;

13.

jenfasizza li r-reġjuni jista’ jkollhom rwol importanti fin-networking fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali għall-idroġenu ekoloġiku u programmi ta’ appoġġ bil-ħsieb ta’ żvilupp integrat tal-ktajjen tal-valur tal-idroġenu ekoloġiku reġjonali. Il-prossimità tal-produzzjoni u l-użu tippermettilhom li l-ewwel jistabbilixxu networks reġjonali tal-idroġenu, imbagħad ikunu jistgħu jestenduhom maż-żmien. Il-provvista ċentralizzata tal-idroġenu fuq skala kbira f’raggruppamenti industrijali tista’ tiġi mqabbla mad-domanda deċentralizzata mill-industrija, il-mobbiltà, il-binjiet u l-ibbilanċjar tal-grilja fir-raggruppamenti tal-industrija tal-madwar, fuq livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali (akkoppjament tas-setturi). Il-postijiet qrib il-portijiet jistgħu jkunu partikolarment attraenti minħabba li jinsabu f'post favorevoli wkoll għall-importazzjoni tal-idroġenu/e-fjuwil fil-perjodu twil. Il-KtR iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u programmi reġjonali ta’ katini tal-valur u raggruppamenti tal-idroġenu ekoloġiku;

Koordinazzjoni tal-iżviluppi tas-suq

14.

ifakkar li suq tal-idroġenu ekoloġiku ma jistax jiżviluppa mingħajr investiment sinifikanti, inkluż mis-settur privat. Dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm kunfidenza fl-iżvilupp fit-tul tas-suq. Miri ambizzjużi u vinkolanti, qafas legali ċar, strateġija espliċita u pjan direzzjonali speċifiku għall-idroġenu ekoloġiku jistgħu jgħinu biex jibnu l-kunfidenza;

15.

jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija tal-UE għall-Idroġenu mħabbra tfassal viżjoni għall-UE kollha, b’mod partikolari għall-idroġenu ekoloġiku għall-2030 u l-2050; u tagħti perspettiva dwar l-oqsma ta’ applikazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, l-użu tiegħu fis-suq u l-promozzjoni ta’ innovazzjoni ulterjuri fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni;

16.

jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mal-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu pjan direzzjonali integrat ta’ miżuri nonleġislattivi u leġislattivi għall-bini ta’ ekonomija Ewropea tal-idroġenu nadif u suq uniku tal-idroġenu li jiffoka fuq l-idroġenu ekoloġiku, filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni u tal-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni. L-istrateġija tal-UE għall-Idroġenu għandha tinkludi miri ambizzjużi għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, ibbażati fuq analiżi tal-potenzjal tal-produzzjoni reġjonali, u għandha tippromovi l-espansjoni sistematika tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu permezz tal-istabbiliment ta’ katini ta’ valur rilevanti. Din l-istrateġija għandha tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni madwar l-UE fir-rigward tal-iżvilupp tal-provvista, tad-domanda u tal-infrastruttura kif ukoll il-koordinazzjoni tal-attivitajiet regolatorji u l-finanzjament fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’attenzjoni partikolari għar-rwol importanti ta’ konnettività fl-eżerċizzju ta’ espansjoni tal-produzzjoni u l-applikazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku fit-tranżizzjoni tal-enerġija u tal-materja prima għall-industrija;

17.

iqis li l-iżvilupp tal-ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku huwa essenzjali għall-politika industrijali sostenibbli segwita mill-Patt Ekoloġiku Ewropew; jirrimarka li, sabiex l-idroġenu ekoloġiku jsir kompetittiv f’termini ta’ kostijiet, jeħtieġ li t-teknoloġija tal-elettroliżi tal-idroġenu tiġi aġġornata fi skala gigawatt. Il-produzzjoni tal-elettroliżi fl-Istati Membri tal-UE toffri opportunitajiet ġodda (potenzjal ta’ impjieg) u potenzjal ta' esportazzjoni internazzjonali. Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi dan. Huwa jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti reġjuni Ewropej, flimkien mal-industrija, fl-iżvilupp ta’ katini transsettorjali tal-valur tal-idroġenu li jgħaqqdu l-provvista, l-infrastruttura u d-domanda; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali ġdida għall-Ewropa (8), tippromovi swieq ewlenin għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-idroġenu ekoloġiku u l-użu tagħhom għal prodotti newtrali għall-klima, speċjalment fl-industriji tal-azzar, tas-siment u tal-kimika; jappella sabiex l-Istrateġija tal UE dwar l-azzar nadif imħabbra mill-Kummissjoni tiġi adottata malajr u ssir enfasi fuq l-użu ta’ idroġenu ekoloġiku;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar fl-istrateġija industrijali l-ġdida dwar l-istabbiliment ta’ Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif; jitlob li din l-alleanza tiġi stabbilita malajr, issir enfasi fuq l-idroġenu ekoloġiku u l-UE tingħata għajnuna biex tkun minn ta’ quddiem f’din it-teknoloġija ewlenija, filwaqt li tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien u esperjenza; jitlob ukoll li r-reġjuni u l-SMEs jiġu involuti fl-Alleanza b’mod konsistenti, kif imħabbar mill-Kummissjoni;

19.

jirrimarka li l-integrazzjoni dejjem tikber tas-setturi permezz tal-użu tal-istess sorsi tal-enerġija tirrikjedi approċċ aktar sistematiku lejn is-setturi; jenfasizza li l-istrateġija għal sistema tal-enerġija integrata u l-istrateġija tal-UE dwar l-idroġenu (9) mill-Kummissjoni Ewropea għandhom jenfasizzaw l-importanza sistematika tal-idroġenu ekoloġiku għall-integrazzjoni tas-setturi fis-sistema futura tal-enerġija u l-ekonomija u għall-metodi ta’ implimentazzjoni attwali li jibbenefikaw is-sistema, meta mqabbel ma’ forom oħra ta’ enerġija bħall-elettriku, il-gassijiet rinnovabbli u l-e-fjuwils. Għandhom jidentifikaw metodi ta’ implimentazzjoni li jiffavorixxu s-sistema, li juru kif, permezz ta’ regoli tas-suq adatti u ġodda jista’ jinħoloq malajr suq li jiffunzjona tajjeb tal-idroġenu, li minn naħa jagħmel l-iżvilupp dinamiku tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu possibbli, u mill-oħra jkun integrat tajjeb mas-suq tal-elettriku u tal-gass;

L-appoġġ għal-leġislazzjoni qafas u għall-iżvilupp tal-infrastruttura taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew

20.

jenfasizza li l-iżvilupp dinamiku tal-enerġiji rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku huwa l-pedament tal-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu ekoloġiku fl-Ewropa; Il-KtR jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) b’segwitu għall-miri klimatiċi tal-UE għall-2030 aktar stretti, b’mod partikolari billi tiżdied il-mira tal-UE għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu miri nazzjonali, reġjonali u lokali ambizzjużi għall-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli bħall-enerġija mir-riħ u l-enerġija solari; jistenna li l-istrateġija tal-enerġija lil hinn mill-kosta (offshore) imħabbra mill-Kummissjoni tagħti spinta lil dan is-settur;

21.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina jekk id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II u l-atti delegati jipprovdux biżżejjed inċentivi għall-użu tal-e-fjuwils ibbażati fuq l-emissjonijiet industrijali tas-CO2 u l-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) f’fażi tranżitorja. Madankollu, għandu jiġi żgurat li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll l-għadd sħiħ ta’ e-fjuwils bħala “rinnovabbli”;

22.

jitlob, barra minn hekk, li jiġu żviluppati malajr l-atti delegati skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tal-elettriku għall-grilja għall-produzzjoni tal-idroġenu (l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II) u r-rekwiżiti minimi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-fjuwils sintetiċi (l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II);

23.

jenfasizza li għandu jkun żgurat metodu ta’ elettroliżi favur il-grilja u s-sistema meta jintużaw grilji tal-elettriku għall-produzzjoni tal-idroġenu (ġestjoni min-naħa tad-domanda), u jitlob li l-Istrateġija tal-UE għall-idroġenu u l-istrateġiji tal-idroġenu fil-livell nazzjonali u reġjonali jinkludu l-ħolqien ta’ kapaċità addizzjonali ta’ ġenerazzjoni ta' elettriku ekoloġiku għall-elettroliżi;

24.

jirrimarka li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni toħloq kundizzjonijiet ekwi u żżid l-attraenza ekonomika tal-idroġenu ekoloġiku. għalhekk, jappoġġja reviżjoni komprensiva tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija sabiex it-tassazzjoni tal-enerġija tiġi armonizzata mal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex l-idroġenu u l-e-fjuwils jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-marġini eżistenti għal tassazzjoni ekoloġika u biex jużaw dħul addizzjonali biex inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq l-elettriku b’livell baxx ta’ karbonju;

25.

jenfasizza li s-Sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU-ETS) tipprovdi inċentivi sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-industriji li jużaw ħafna enerġija (eż. tal-kimiki u tal-azzar) li għalihom l-idroġenu ekoloġiku huwa opzjoni prinċipali ta’ dekarbonizzazzjoni. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet għandha tqis il-miri ġodda tal-klima għall-2030, pereżempju billi żżid il-fattur lineari ta’ tnaqqis. Is-sigurtà tal-investiment tista’ tiżdied billi jiġi integrat prezz minimu għall-UE-ETS;

26.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistema ta’ aġġustament fil-fruntiera kompatibbli mad-WTO għall-emissjonijiet ta’ CO2 (10) għal prodotti minn pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-produzzjoni tagħhom, u li huma soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali qawwija. Sistema bħal din, flimkien ma’ ETS tal-UE aġġustata, tista’ tipprovdi inċentivi għall-użu tal-idroġenu ekoloġiku f’industriji li jużaw ħafna enerġija;

27.

jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) (11) u r-regoli tal-UE għas-suq Ewropew tal-gass, b’mod partikolari d-Direttiva 2009/73/KE dwar il-gass naturali, sabiex tippermetti l-iżvilupp dinamiku ta’ ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku, bi trasport tal-idroġenu fl-UE kollha. Dan jinkludi, pereżempju, id-definizzjoni ta’ standards uniformi u ċari (eż. is-sehem ammissibbli tal-idroġenu fil-grilja tal-gass naturali), l-aġġustament korrispondenti tar-rekwiżiti tal-proġetti ta’ interess komuni (PCI) skont it-TEN-T, l-ippjanar koordinat tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, ir-riklassifikazzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-gass, il-formulazzjoni ta’ regoli ċari għall-injezzjoni ta’ idroġenu ċċertifikat minn enerġija rinnovabbli fil-grilja tal-gass naturali. Jinħtieġ ukoll l-iżvilupp tal-bażi regolatorja għall-grilji pubbliċi tal-idroġenu li tiggarantixxi aċċess nondiskriminatorju għall-grilji. Il-KtR jirrimarka li l-iżvilupp u l-espansjoni tan-networks tal-idroġenu huma prerekwiżit importanti għad-disponibbiltà tal-idroġenu f’forma pura għall-applikazzjonijiet ta’ prijorità, li għalihom ma hemm l-ebda alternattiva prevedibbli għall-idroġenu; (12)

28.

iqis li r-reviżjoni tar-Regolament tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandha tpoġġi enfasi akbar fuq teknoloġiji ta’ propulsjoni b’livell baxx ta’ karbonju għat-trakkijiet u l-kowċis kif ukoll għat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma intern, bħall-muturi elettriċi mħaddma minn ċelloli tal-idroġenu jew minn linji ta’ kuntatt, flimkien ma’ forom oħra tal-enerġija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-bini tal-infrastruttura rilevanti tul il-kurituri tan-network ewlieni huwa prerekwiżit għat-tnedija ta’ dawn it-teknoloġiji. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għandha tipprovdi biżżejjed finanzjament għal dan il-għan. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi toffri l-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għad-densità tan-network tal-istazzjonijiet ta’ forniment tal-idroġenu fl-Istati Membri;

29.

jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-appoġġ biex tinħoloq infrastruttura tal-pipelines għat-trasport tal-idroġenu (il-kostruzzjoni ta' pipelines u t-trasformazzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-gass) u biex tinħoloq infrastruttura tal-ħżin; l-iżvilupp u l-finanzjament ta’ infrastruttura transfruntiera għall-idroġenu bejn raggruppamenti industrijali tipprovdi opportunitajiet ta' negozju; il-kooperazzjoni ma’ setturi oħra li jeħtieġu infrastruttura ġdida tal-enerġija hija mħeġġa minħabba ġestjoni tat-territorju u kosteffikaċja;

30.

jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-istrateġija mħabbra tagħha għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, tipprijoritizza l-użu ta’ idroġenu ekoloġiku u e-fjuwils biex tikkomplementa l-mobbiltà elettrika fl-oqsma tat-trasport ta’ merkanzija tqila, it-trasport pubbliku tal-passiġġieri, it-trasport fuq l-ilma u t-trasport bl-ajru. Dan jirrikjedi pjan direzzjonali ċar u affidabbli u qafas regolatorju Ewropew li jinkoraġġixxi l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi fi ħdan sistemi ta’ pedaġġ eżistenti;

Appoġġ permezz ta’ miżuri finanzjarji u regolatorji u għajnuna mill-istat

31.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku, b’mod partikolari l-espansjoni tal-produzzjoni, jenħtieġ jiġi appoġġat minn fondi pubbliċi, peress li l-idroġenu ekoloġiku bħalissa għad mhuwiex ekonomikament vijabbli. Il-KtR jirrimarka li r-reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għandha żżomm jew twessa’ l-ambitu għal strumenti ta’ finanzjament sabiex tistimola l-iżvilupp bikri tas-suq;

32.

ifakkar li kemm l-ispejjeż tal-investiment kif ukoll dawk tal-elettriku huma komponenti ta’ spejjeż rilevanti għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku. Fil-prinċipju, kemm il-mekkaniżmi tal-provvista kif ukoll dawk tad-domanda huma disponibbli biex jippromovu l-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku li, skont id-disinn tagħhom, jista’ jkollhom effetti simili. L-għotjiet ta’ investiment u l-primjums feed-in huma strumenti possibbli min-naħa tal-provvista. Il-KtR jenfasizza li l-esperjenza fis-settur tal-elettriku wriet li, fuq ċertu perjodu ta’ żmien, id-dħul garantit jista’ jippermetti t-tkabbir tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni. Madankollu, sabiex tinħoloq pressjoni kompetittiva, kemm il-primjums feed-in kif ukoll l-għotjiet ta’ investiment jistgħu jinħarġu għall-offerti mill-bidu nett;

33.

jenfasizza li l-miżuri regolatorji jistgħu jiġġeneraw domanda għall-idroġenu ekoloġiku f’ċerti setturi jew oqsma ta’ applikazzjoni, li min-naħa tagħhom jistimolaw il-produzzjoni. Il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fis-setturi rilevanti, flimkien ma’ miżuri bħal kwoti mandatorji ta’ taħlit (eż. trasport bl-ajru u marittimu), kwoti ta’ tnaqqis ta’ gass b’effett ta’ serra għad-distributuri tal-fjuwil jew livelli limiti tas-CO2 għall-flotot ta’ vetturi (eż . għal trakkijiet, kowċis jew trasport fuq il-passaġġi tal-ilma intern) jistgħu jiġġeneraw domanda affidabbli għal idroġenu ekoloġiku jew e-fjuwils. F’dan il-kuntest, il-KtR jistieden lill-Istati Membri biex, fl-implimentazzjoni tar-RED II, jużaw il-marġni legali eżistenti biex jippromovu l-idroġenu ekoloġiku/e-fjuwils. Alternattiva għal applikazzjonijiet li diġà jirrikjedu ammonti kbar ta’ idroġenu llum jistgħu jkunu l-hekk imsejħa Carbon Contracts for Difference (CCfD), li jikkumpensaw għad-differenza bejn il-kostijiet reali ta’ evitar ta’ gassijiet serra u l-prezz attwali tas-CO2 tal-utenti;

34.

jirrimarka li l-akkwist pubbliku jista’ jiġġenera domanda tanġibbli u prevedibbli. Hawnhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti, peress li l-flotot tal-muniċipalitajiet u l-kumpaniji muniċipali (pereżempju t-tindif tat-toroq, ir-rimi tal-iskart, it-trasport pubbliku lokali u t-taksis) qed isiru dejjem aktar applikazzjonijiet interessanti għall-użu tal-idroġenu ekoloġiku u ta’ teknoloġiji ta’ propulsjoni oħra newtrali għall-klima;

35.

jilqa’ l-inizjattivi biex jinħolqu Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) dwar l-idroġenu ekoloġiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq qafas legali għal proġetti IPCEI għal idroġenu ekoloġiku u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex sussegwentement jagħmlu użu minnu biex b’hekk titwitta t-triq għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tinħoloq sinerġija bejn id-diversi IPCEIs tal-idroġenu sabiex tiġi evitata d-dilemma “tal-bajda u t-tiġieġa” fl-iżvilupp tal-katina tal-valur tal-idroġenu ekoloġiku;

36.

jitlob żieda fil-finanzjament għal proġetti ta’ dimostrazzjoni għall-idroġenu ekoloġiku permezz tal-Fondi għall-Innovazzjoni u għall-Modernizzazzjoni ffinanzjati mill-EU-ETS, u anke appoġġ immirat għall-idroġenu ekoloġiku permezz tal-programm InvestEU. Il-KtR iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), inkluż l-Interreg, fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss biex jistabbilixxu u jsaħħu r-raggruppamenti tal-idroġenu reġjonali, lokali u interreġjonali. Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji fil-livelli kollha bejn dawn il-fondi, l-IPCEIs, is-CEF u l-finanzjament għar-riċerka;

37.

jilqa b'sodisfazzjon il-politika ġdida ta’ self adottata mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fis-settur tal-enerġija, inkluż it-tfassil ta’ approċċi ġodda ta’ finanzjament taħt il-Programm ta’ Konsulenza InnovFin; F’dan ir-rigward, jitlob li jkun hemm appoġġ sinifikanti mill-BEI għall-idroġenu ekoloġiku, b’approċċi ta’ finanzjament li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-SMEs u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-banek promozzjonali tagħhom;;

38.

jemmen li punt uniku ta’ kuntatt (One-stop-shop) fil-livell tal-UE jista’ jiffaċilita bil-kbir l-aċċess għall-finanzjament ta’ proġetti għan-negozji, inklużi l-SMEs, u r-reġjuni u l-bliet;

39.

jirrakkomanda li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom, jikkomplementaw il-finanzjament tal-UE bi programmi nazzjonali għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira u laboratorji ħajjin, kif ukoll għal networking nazzjonali u skambju bejn ir-reġjuni tal-idroġenu;

40.

jenfasizza li s-sinjali fit-tul huma meħtieġa biex jiggwidaw il-flussi finanzjarji u tal-kapital tas-settur privat biex isiru investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika b’ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku, inkluż għall-benefiċċju tal-SMEs innovattivi; F’dan ir-rigward, il-KtR jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ fl-Istrateġija ta’ Finanzjament Sostenibbli li ħabbret;

Riċerka u innovazzjoni

41.

jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni se jaqdu rwol kruċjali anke matul l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu ekoloġiku. Dawn għandhom ikunu mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż fil-partijiet kollha tal-katina tal-valur u jtejbu l-prevedibbiltà, l-effiċjenza u t-tul tal-ħajja tal-installazzjonijiet. Il-KtR għalhekk jirrakkomanda li jkun hemm enfasi espliċita fuq l-idroġenu ekoloġiku bħala parti mill-programm Orizzont Ewropa, inklużi l-Missjonijiet tiegħu bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC);

42.

jilqa’ bi pjaċir ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta Sħubija Ewropea għall-Idroġenu Nadif bħala parti mill-Orizzont Ewropa bħala s-suċċessur għall-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH JU) (13). jirrakkomanda li tittejjeb l-allokazzjoni finanzjarja kif ukoll il-mekkaniżmu u l-istruttura tas-sħubija meta mqabbel mal-FCH JU, filwaqt li titqies l-importanza speċifika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tkun tista’ tappoġġa aktar proġetti ta’ dimostrazzjoni għall-idroġenu ekoloġiku, inkluż b’rabta mas-Sħubija Ewropea Hydrogen Valleys; jenfasizza li objettiv importanti tas-sħubija għandu jkun it-titjib tal-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenza bejn ir-reġjuni, bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u anke bejn in-negozji;

43.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex, bħala parti mill-kompetenzi tagħhom għall-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali, jippromovu t-taħriġ ta’ professjonisti kwalifikati u riċerkaturi tul il-katina tal-valur sħiħa tal-idroġenu ekoloġiku. Għandhom ukoll jistabbilixxu u jtejbu servizzi ta’ konsulenza xierqa, b’mod partikolari għall-SMEs. Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Patt Ewropew tal-Ħiliet u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni mħabbra fl-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (14);

Id-dimensjoni internazzjonali

44.

jirrimarka li, fuq medda ta’ żmien twila, parti sinifikanti tad-domanda għall-idroġenu/e-fjuwils x’aktarx se tkun koperta minn importazzjonijiet minn reġjuni b’riżorsi rinnovabbli tajbin ħafna; f’dan ir-rigward, l-idroġenu/e-fjuwils importati jridu jkunu soġġetti għal kriterji ta’ sostenibbiltà daqstant stretti. jirrakkomanda li l-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku/e-fjuwils f’pajjiżi terzi u t-trasport lejn l-UE jiġu inklużi fil-pjan direzzjonali approvat għall-idroġenu ekoloġiku. Il-KtR iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi kooperazzjoni fi stadju bikri ma’ pajjiżi esportaturi potenzjali iżda wkoll ma’ pajjiżi importaturi oħra (eż. il-Ġappun) sabiex tappoġġja l-iżvilupp koordinat ta’ ekonomija internazzjonali tal-idroġenu nadifa b’fokus fuq l-idroġenu ekoloġiku. Barra minn hekk, jeħtieġ li jissaħħu inizjattivi internazzjonali rilevanti bħall-Inizjattiva dwar l-Idroġenu taħt il-laqgħat “Clean Energy Ministerial Meetings” u “Mission Innovation”. Bħal fil-każ tas-Sħubija Ewropea “Hydrogen Valleys”, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti hawnhekk ukoll.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (COM(2020) 80 final).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final).

(3)  Ara l-Pjan Direzzjonali — Ares(2020)2722353.

(4)  Għal raġunijiet ta’ sempliċità, fil-bqija ta’ din l-Opinjoni jintuża t-terminu “e-fjuwils” għall-fjuwils sintetiċi.

(5)  COM(2018) 773 final.

(6)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew għar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 72); l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58).

(7)  Taħt il-kappa tal-Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3P).

(8)  COM(2020) 102 final.

(9)  Ara l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea – Ares(2020)2722353.

(10)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu Ares(2020)1350037.

(11)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu Ares(2020)2487772.

(12)  Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(13)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu Ares(2019)4972390.

(14)  COM(2020) 102 final.


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/48


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja

(2020/C 324/08)

Relatur:

Roby BIWER (LU/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, il-Lussemburgu

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja

COM(2019) 352 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-isforzi għall-protezzjoni u għar-restawr tal-foresti tad-dinja; jinnota b’dispjaċir il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-proposti mressqa;

2.

jirrikonoxxi l-isforzi tal-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar deċennji biex iżżid l-ammont ta’ art mgħottija b’foresti permezz ta’ programmi estiżi ta’ afforestazzjoni, u bis-saħħa ta’ leġislazzjonijiet stretti tal-Istati Membri dwar il-foresti li jiżguraw riforestazzjoni u tkabbir mill-ġdid naturali; jinsab imħasseb, madankollu, bir-rata allarmanti ta’ degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja, speċjalment foresti primarji, li jinkludu kemm foresti intatti kif ukoll foresti ġestiti (1);

3.

jenfasizza l-importanza tal-foresti primarji bħala hotspots tal-bijodiversità li jipprovdu servizzi tal-ekosistema li jikkontribwixxu għas-saħħa tal-bniedem (użu farmaċewtiku, nutrizzjoni, pjanti mediċinali), għall-inklużjoni soċjali (saħħa mentali, promozzjoni tal-impjieg f’żoni rurali, ekoturiżmu, eċċ.), kif ukoll ir-rwol ewlieni tagħhom biex l-ambjent jiġi protett mid-deżertifikazzjoni, l-għargħar, id-degradazzjoni tal-istruttura idroġeoloġika, l-erożjoni tal-ħamrija, it-temp estrem, it-tnaqqis fix-xita, l-arja mniġġsa, eċċ.; jirrikonoxxi wkoll li l-foresti ġestiti b’mod sostenibbli, imkabbra mill-bniedem kif ukoll foresti indiġeni maturi jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

4.

jirrikonoxxi li d-deforestazzjoni huwa fenomenu kumpless ħafna b’fatturi multipli warajh, prinċipalment fosthom domanda dejjem akbar minn popolazzjoni globali li qed tikber għal ikel, għalf, bijoenerġija, injam u komoditajiet oħra; jenfasizza li d-deforestazzjoni hija t-tieni l-akbar sors ta’ emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra li ġejjin mill-bniedem u fattur ewlieni wara t-telfien tal-bijodiversità (2);

5.

jenfasizza li l-prevenzjoni tat-telf tal-foresti jista’ jkollha diversi benefiċċji għan-nies u għall-ekosistemi inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz tal-assorbiment tal-karbonju — waħda mill-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima l-aktar effettivi – il-provvista ta’ servizzi tal-ekosistemi li jistgħu jixprunaw it-tkabbir sostenibbli u bioekonomija tal-foresti ġdida bbażati fuq l-użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi;

6.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu miżuri regolatorji u rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jissodisfaw id-diverġenzi nazzjonali, reġjonali u lokali speċifiċi sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-forom kollha ta’ deforestazzjoni u degradazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti oriġinali li jipprovdu stokk tal-karbonju u l-bijodiversità, filwaqt li jipprovdu wkoll il-finanzjament adegwat;

7.

jenfasizza li r-restawr tal-foresti, b’mod partikolari fl-iżjed reġjuni deforestati tal-Ewropa, għadu fost l-aktar strateġiji effettivi għall-adattament u l-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima; f’dan ir-rigward, l-espansjoni tas-sistemi agroforestali, permezz tat-tħawwil ta’ siġar fl-art ikkultivata u l-mergħat, jista’ jkollha rwol dejjem aktar importanti;

8.

jitlob koerenza tal-politiki sabiex l-isforzi, l-għanijiet u l-eżiti tal-politiki differenti, inkluża l-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida, l-impenji internazzjonali tal-UE, jiġifieri l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità sal-2030, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-politika kummerċjali tagħha u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, jiġu allinjati fi strateġija komprensiva dwar is-sostenibbiltà b’għanijiet u miżuri ta’ implimentazzjoni ċari, u li tqis kif xieraq il-bilanċ soċjali, ekonomiku u ambjentali;

Prijorità 1: It-tnaqqis tal-impronta tal-konsum tal-UE fuq l-art u l-garanzija tal-konsum ta’ prodotti minn ktajjen ta’ provvista li ma jinvolvux deforestazzjoni fl-UE

9.

jenfasizza li l-UE għandha tiggarantixxi l-konsum ta’ prodotti minn ktajjen ta’ provvista li ma jinvolvux deforestazzjoni li mhumiex fl-UE bħala punt ċentrali fil-proċess tal-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja; jistieden lill-UE tpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tal-proċess biex b’hekk jiġu influwenzati s-swieq li jiddependu fuq il-konverżjoni problematika ta’ foresti primarji biex jipproduċu prodotti li jintużaw ħafna bħal kafè, kawkaw, żejt tal-palm u bhejjem;

10.

jiġbed l-attenzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u qerda tal-ambjent fi ktajjen tal-provvista ta’ prodotti differenti (eż. fażola tas-sojja, żejt tal-palm, zokkor, kawkaw, laħam taċ-ċanga, materja prima għal bijokarburanti eċċ.), u jenfasizza li l-inizjattivi volontarji tas-settur privat u tal-industrija finanzjarja s’issa ma kinux biżżejjed biex iwaqqfu jew ireġġgħu l-proċess tad-deforestazzjoni globali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel obbligatorja l-konformità mal-istandards ambjentali u mad-Diliġenza Dovuta (3) fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.

jiġbed l-attenzjoni li n-nirien fil-foresti jirrappreżentaw it-theddida ewlenija għall-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti f’ħafna Stati Membri u reġjuni tal-UE. Huwa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffaċilitati biex itejbu aktar ir-reżiljenza tagħhom għad-diżastri, meta wieħed iqis li huma dawk li jagħtu l-ewwel rispons. It-trażżin tad-diżastri permezz ta’ azzjonijiet tal-komunitajiet lokali huwa l-aktar mod rapidu u effettiv kif tista’ tiġi limitata l-ħsara kkawżata min-nirien fil-foresti;

12.

jistieden lill-Kummissjoni tieħu varjetà ta’ azzjonijiet biex tinċentiva l-involviment attiv tal-konsumaturi fl-għażla, fil-promozzjoni u fl-użu ta’ oġġetti aktar sostenibbli, inkluż, iżda mhux limitat għall-istabbiliment ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-UE speċifiċi għal prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni, l-integrazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni diġà disponibbli għal prodotti bbażati fuq il-foresti li tinkludi kemm il-Ġestjoni tal-Foresti kif ukoll il-Katina tal-Kustodja (4) f’valutazzjoni aktar komprensiva, li tapplika wkoll għal prodotti li mhumiex ibbażati fuq il-foresti, li jinkludu: ġestjoni tal-foresti sostenibbli; sistemi ta’ gestjoni u produzzjoni tal-foresti bbażati fuq inqas użu ta’ riżorsi naturali (eż. ilma), sustanzi kimiċi (eż. pestiċidi) u enerġija (karburanti fossili u l-enerġija b’mod ġenerali); aspetti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni fil-produzzjoni ta’ prodotti li mhumiex ibbażati fuq il-foresti; il-promozzjoni ta’ prodotti b’impronta tat-trasport limitata (eż. ditta taż-żona, marka tal-karbonju); u valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) ta’ prodotti li jikkwantifikaw l-impatt ambjentali tagħhom u biex ikun jista’ jsir it-tqabbil tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom;

13.

jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-pjan ta’ ħidma tal-UE dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) 2018-2022, b’mod partikolari billi tiġi msaħħa l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam;

14.

jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni u l-promozzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn forestrija sostenibbli mal-konsumaturi billi tiżvuluppa tikketta speċifika li tindika r-rata ta’ deforestazzjoni ta’ prodott u ttejjeb/tintegra l-bażi tad-data/sistemi ta’ informazzjoni Ewropej li huma diġà disponibbli (eż. il-bażi tad-data tal-Ekotikketta) bi prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni li għandhom ikunu faċli biex jintgħarfu;

15.

jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri biex tivverifika l-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-valutazzjonijiet miġbura fis-sistema tal-informazzjoni Ewropea sabiex ittejjeb il-fiduċja fl-informazzjoni mogħtija, inklużi rekwiżiti stretti ta’ traċċabbiltà li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodotti, u sistemi aktar b’saħħithom ta’ monitoraġġ u infurzar sabiex ikunu ta’ għajnuna biex jiġu evitati l-frodi u t-tikkettar qarrieqi tal-prodotti; jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati politiki ta’ provvista oħra, b’mod partikolari f’pajjiżi b’rata għolja ta’ deforestazzjoni u kopertura baxxa ta’ ċertifikazzjoni u/jew rata għolja ta’ qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, eż. obbligu li jiġu pprovduti provi li l-provvista tal-prodotti kienet waħda sostenibbli, inkluża dokumentazzjoni ta’ kummerċ fil-materjali bejn l-operaturi, u informazzjoni dwar il-politiki tal-akkwist tal-partijiet kollha fil-katina tal-provvista;

16.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jimmodifikaw l-imġiba, l-akkwisti u l-kuntratti ta’ qafas tagħhom lejn l-użu ta’ prodotti mill-forestrija sostenibbli; jistieden, barra minn hekk, lill-persunal u lill-membri tiegħu jikkumpensaw l-emissjonijiet tal-karbonju marbuta mat-titjiriet tagħhom relatati mal-KtR billi jappoġġjaw finanzjarjament proġetti ta’ forestrija sostenibbli;

17.

jenfasizza li l-akkwist pubbliku, li jirrappreżenta madwar 14 % tal-PDG fl-UE, joffri xprun potenzjalment b’saħħtu biex jiġu żgurati kuntratti ta’ provvista ta’ prodotti aktar sostenibbli għall-akkwist ta’ xogħol, oġġetti jew servizzi minn kumpaniji. Għal dan l-għan, l-introduzzjoni, fid-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku, ta’ projbizzjoni fuq l-akkwist pubbliku ta’ prodotti li ġejjin mid-deforestazzjoni tista’ twassal għal impatti pożittivi rilevanti fuq il-promozzjoni ta’ prodotti li ma jinvolvux deforestazzjoni;

18.

jinnota li l-promozzjoni ta’ bidla fl-imġiba tal-konsumaturi lejn dieti bbażati fuq il-pjanti li huma aktar tajbin għas-saħħa b’konsum għoli ta’ frott u ħaxix (li għandhom ikunu ċċertifikati li ma jinvolvux deforestazzjoni), u b’hekk inaqqsu l-konsum globali tal-laħam, tista’ tippromovi u tippreserva s-saħħa taċ-ċittadini u tal-pjaneta f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Bliet C40 dwar Ikel Tajjeb (5); din il-bidla trid tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” li tippromovi konsum, kemm jista’ jkun, lokali u sostenibbli fir-rigward tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem;

19.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib sinerġiji u rabtiet ma’ proġetti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa u li huma relatati mal-ħolqien ta’ foresti urbani jew peri-urbani u kurituri ekoloġiċi fil-livell sottonazzjonali, nazzjonali u Ewropew kif ukoll barra mill-Ewropa; jinnota li dawn l-inizjattivi għandhom ħafna benefiċċji ambjentali u soċjali (servizzi tal-ekosistema) għal nies li jgħixu fil-bliet konnessi, li jinkludu arja nadifa, regolazzjoni tal-fluss tal-ilma, protezzjoni tal-ħamrija mill-erożjoni mill-ilma u mir-riħ, restawr ta’ art degradata, reżiljenza għad-diżastri u għat-tibdil fil-klima, temperaturi ta’ matul il-jum fis-sajf aktar baxxi, provvista ta’ ikel, bijodiversità urbana akbar, saħħa fiżika u mentali aħjar, iż-żieda fil-valur tal-proprjetà, eċċ.;

20.

jitlob l-involviment taċ-ċittadini Ewropej u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-atturi kummerċjali u tal-partijiet interessati li jbigħu l-prodotti tagħhom fis-suq Ewropew (eż. kumpaniji multinazzjonali) f’dawn l-attivitajiet; jinnota r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-foresti u l-ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fir-rapportar korporattiv tagħhom dwar responsabbiltajiet soċjali u ambjentali (f’konformità mad-Direttiva 2014/95/UE);

Prijorità 2: Ħidma fi sħubija ma’ pajjiżi prodotturi biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq il-foresti u biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tiġi protetta mid-deforestazzjoni, u Prijorità 3: Tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u jiġi mħeġġeġ ir-restawr tal-foresti;

21.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-deforestazzjoni tiġri l-aktar f’pajjiżi li mhumiex fl-UE. Ħafna mill-injam prodott f'dawn il-pajjiżi jiġi kkunsmat lokalment, u madankollu l-adozzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-injam għadha baxxa, peress li l-ispiża għall-kisba taċ-ċertifikazzjoni hija għolja wisq, b’mod partikolari għall-azjendi agrikoli ż-żgħar, li qed jikkompetu wkoll ma' injam konvenzjonali orħos jew saħansitra maħsud illegalment. B’mod simili, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-mod li bih għandhom jiġu ċċertifikati l-prodotti bbażati fuq il-foresti, bħall-gomma naturali, li huma prodotti minn numru kbir ta’ bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar;

22.

jitlob titjib fl-edukazzjoni ambjentali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn jinsabu l-foresti primarji bħala aspett ewlieni fis-sensibilizzazzjoni f’dawn il-pajjiżi dwar l-importanza tar-riżorsi ambjentali tagħhom stess; jinnota li l-involviment dirett taċ-ċittadini f’dawn l-inizjattivi edukattivi ambjentali jista’ jġib ħafna benefiċċji, bħal:

a)

għarfien akbar dwar l-importanza tas-servizzi tal-ekosistema li l-foresti ġestiti b’mod sostenibbli u dawk primarji jipprovdu lis-soċjetà;

b)

għarfien tal-bosta benefiċċji diretti u indiretti tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

c)

possibbiltà akbar li jiġu derivati eżiti ta’ benefiċċju minn azzjonijiet lokali biex jiġu limitati d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; aktar opportunitajiet biex il-ħarsien tar-riżorsi naturali jiġi trasformat fil-ġestjoni sostenibbli tagħhom u b’hekk isir kontribut għall-impjiegi ekoloġiċi u għat-tkabbir ekoloġiku għall-popolazzjoni lokali, eċċ.;

23.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tipproponi li l-foresti primarji jkunu siti ta’ patrimonju tal-UNESCO sabiex tgħin tipproteġihom mid-deforestazzjoni u żżid il-possibbiltà li tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għall-protezzjoni tagħhom;

24.

jenfasizza li, flimkien mal-multifunzjonalità, il-bijodiversità hija tema ewlenija oħra li għandha titqies meta jiġi diskuss il-qafas tal-politika tal-UE dwar il-forestrija; jinnota li kull darba li sseħħ id-deforestazzjoni u tiġi eliminata foresta primarja jew indiġena matura, ikun hemm telf ta’ bijodiversità li diffiċli tinġieb lura peress li ż-żona tkun ġiet degradata ħafna;

25.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 li ssaħħaħ il-livell ta’ ambizzjoni tal-UE li tmexxi azzjonijiet biex ittemm ħesrem it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fl-Ewropa kollha, u tippożizzjoni lill-UE bħala l-mexxejja fid-dinja fl-indirizzar tal-kriżi globali tal-bijodiversità, inkluż, pereżempju, billi jiġu stabbiliti żoni protetti għal mill-inqas 30 % tal-art; billi jiġu introdotti miri legalment vinkolanti fil-livell tal-UE marbutin mar-restawr tan-natura, u jkun hemm protezzjoni iżjed stretta tal-foresti li għad fadal fl-UE, kemm dawk primarji kif ukoll dawk primordjali; billi tiġi implimentata l-ġestjoni sostenibbli ta’ foresti sekondarji (6); u billi jiġu restawrati l-ekosistemi degradati fl-art permezz tar-restawr tal-foresti, il-ħamrija u l-artijiet mistagħdra u l-ħolqien ta’ spazji ħodor fil-bliet;

26.

jitlob sforzi ħafna akbar biex jintlaħqu l-miri relatati mal-forestrija fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u biex jintlaħaq qbil dwar qafas politiku ambizzjuż għal wara l-2020 dwar il-bijodiversità globali li għandu jiġi adottat fil-15-il Konferenza li jmiss tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (UN CBD COP 15), kif ukoll abbażi tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija sal-2020;

27.

jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali jiġu vvalutati fid-dawl tal-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jkunu bbażati fuq l-iżvilupp sostenibbli; jitlob li jissaħħu l-kapitoli tagħhom dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, u li d-deforestazzjoni tiġi integrata fil-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali; F’dan ir-rigward, billi d-deforestazzjoni fl-Amażonja tal-Brażil laħqet livelli rekord b’qabża ta’ 84 fil-mija f’nirien fil-foresti pluvjali (7), jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jissospendu r-ratifika tal-UE-Mercosur sakemm il-gvern Brażiljan ma jreġġax din it-tendenza;

28.

jitlob kontribut akbar tal-forestrija attiva, adattiva u parteċipattiva fl-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija ta’ wara l-2020 rigward iż-żamma u t-tisħiħ tal-bijodiversità, u b’hekk il-kisba sħiħa tal-benefiċċji li jistgħu jġibu l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema. Dawn l-attivitajiet u l-isforzi kollha għandhom jikkontribwixxu għal, u jippromovu, politika globali dwar il-bijodiversità li tkun aktar ambizzjuża fejn l-Ewropa tħeġġeġ li jkun hemm tmexxija responsabbli;

Prijorità 4: Jiġu allokati mill-ġdid il-finanzi biex jappoġġjaw prattiki tal-użu tal-art aktar sostenibbli, u Prijorità 5: Tiġi appoġġjata d-disponibbiltà ta’, il-kwalità ta’, u l-aċċess għal informazzjoni dwar il-foresti u l-ktajjen ta’ provvista ta’ komoditajiet. Appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni

29.

jenfasizza li l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ mill-Kummissjoni biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti fl-UE u madwar id-dinja għandhom jiġu kkomunikati b’mod wiesa’ liċ-ċittadini Ewropej ħalli jiżdied l-appoġġ għal dawn il-miżuri u l-effettività tagħhom;

30.

jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf bażi tad-data Ewropea li tiġbor fiha proġetti li diġà saru u li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u pajjiżi terzi kif ukoll proġetti bilaterali bejn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-foresti tad-dinja; jenfasizza l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti;

31.

iħeġġeġ lill-UE tniedi strateġija ta’ “Industrijalizzazzjoni, Diġitalizzazzjoni u Dekarbonizzazzjoni” (IDD) għall-promozzjoni ta’ materjali ekoloġiċi ta’ sostituzzjoni b’bażi tal-injam, li l-oriġini u l-marka tal-karbonju tagħhom tiġi kkomunikata lill-konsumaturi, u tagħti inċentiv għaċ-ċertifikazzjoni ta’ ekomaterjali ħielsa mid-deforestazzjoni, u b’hekk jissaħħaħ l-użu tagħhom f’setturi bħall-kostruzzjoni, it-tessuti, il-prodotti kimiċi jew l-industrija tal-imballaġġ;

32.

jistieden lill-UE tkompli tiżviluppa programmi ta’ riċerka u monitoraġġ bħal Copernicus, il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja u programmi oħra ta’ monitoraġġ sabiex tiġi ssorveljata l-katina tal-provvista ta’ komoditajiet ħalli jkunu jistgħu jiġu identifikati u jingħataw twissijiet bikrin dwar prodotti li kkawżaw deforestazzjoni jew degradazzjoni ambjentali matul il-fażi tal-produzzjoni tagħhom;

33.

jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Forestrija fid-dawl tal-importanza tal-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https:/ /www.cbd.int/forest/definitions.shtml

(2)  https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0959378018314365#fig0005

(3)  Ġeneralment, il-kunċett tad-Diliġenza Dovuta fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem jinftiehem bħala mezz li bih il-kumpaniji jistgħu jidentifikaw, jipprevjenu, jimmitigaw u jwieġbu għall-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem li jħallu l-attivitajiet tagħhom jew dawk marbuta mar-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom. https://corporatejustice.org/priorities/13-human-rights-due-diligence

(4)  eż. Forest Stewardship Council® (FSC®), Programme for the Endorsement of Forest Certification TM (PEFCTM), eċċ.

(5)  Skont id-Dikjarazzjoni tal-Bliet C40 dwar Ikel Tajjeb, il-bliet jimpenjaw li: jallinjaw il-politiki dwar l-akkwist tal-ikel tagħhom mal-Planetary Health Diet (Dieta tajba għall-Pjaneta), idealment billi jkun ġej minn agrikoltura organika, jappoġġjaw żieda globali fil-konsum ta’ ikel tajjeb għas-saħħa bbażat fuq il-pjanti fil-bliet tagħna billi ssir bidla minn dieti li mhumiex sostenibbli u mhumiex tajbin għas-saħħa https://www.c40.org/press_releases/good-food-cities

(6)  https:/ /www.cbd.int/forest/definitions.shtml.

(7)  Istitut Nazzjonali Brażiljan għar-Riċerka Spazjali, 2019.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat tar-Regjuni

Il-139 Sessjoni Plenarja tal-KtR permezz ta’ Interactio (ibrida), 30.6.2020–2.7.2020

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-pakkett tas-servizzi: Perspettiva aġġornata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa

(2020/C 324/09)

Relatur:

Jean-Luc VANRAES (BE/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Uccle

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' e-Card Ewropea tas-servizzi u l-faċilitajiet amministrattivi relatati

COM(2016) 824 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament [ir-Regolament tal-ESC] …

COM(2016) 823 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet

COM(2016) 822 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, li tistabbilixxi il-proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma' servizzi, u li temenda d-Direttiva 2006/123/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

COM(2016) 821 final

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali

COM(2016) 820 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

L-importanza u l-urġenza tal-ikkompletar tas-Suq Uniku fis-servizzi

1.

jirrikonoxxi li s-Suq Uniku huwa kisba ewlenija tal-politika tal-UE li jsejjes il-kompetittività Ewropea, il-prosperità u l-benessri tal-konsumatur; jenfasizza li Suq Uniku li jiffunzjona kif suppost jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-impjieg fil-livelli reġjonali u lokali u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, bħala xerrejja pubbliċi importanti, jibbenifikaw minn Suq Uniku b'funzjonament aħjar, inkluż fis-servizzi;

2.

jirrikonoxxi li s-Suq Uniku għadu qed jiġi żviluppat u li għad hemm ostakli sinifikanti; jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-approfondiment tiegħu jitolbu impenn akbar mill-atturi istituzzjonali fil-livelli kollha tal-governanza, u li l-Istati Membri b'mod partikolari għandhom responsabbiltajiet importanti biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva;

3.

jenfasizza li l-proposti ta' politika tas-Suq Uniku jista' jkollhom impatti territorjali importanti li għandhom jiġu vvalutati kif xieraq. Il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali jikkontribwixxu għall-kejl tal-effetti possibbli tal-proposti leġislattivi b'mod komprensiv u bbilanċjat, filwaqt li jkopru medda wiesgħa ta' aspetti, u li huma essenzjali għal bosta reġjuni li mhumiex involuti direttament fil-proċess leġislattiv, iżda li jimplimentaw il-leġislazzjoni; itenni mill-ġdid li l-KtR lest jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu għal dawn il-valutazzjonijiet;

4.

jitlob li l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku tirrispetta, sa fejn huwa possibbli, il-prinċipji tal-awtonomija lokali; ifakkar li l-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali (1) tirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali huwa waħda mill-pedamenti ewlenin ta' kwalunkwe reġim demokratiku, li s-salvagwardja u r-rinfurzar tal-awtonomija lokali hija kontribut importanti għall-bini ta' Ewropa bbażata fuq il-prinċipji tad-demokrazija u tad-deċentralizzazzjoni tal-poter, u li dan ifisser li l-awtoritajiet lokali għandhom grad wiesa' ta' awtonomija fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom, il-modi u l-mezzi li bihom jiġu eżerċitati dawn ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi meħtieġa għall-qadi tagħhom;

5.

jikkunsidra li għandu jiġi eżaminat approċċ aktar deċentralizzat għal implimentazzjoni tas-Suq Uniku li tinvolvi d-deċentralizzazzjoni tar-responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni għall-aġenziji fil-livell tal-Istat Membru, immudellat fuq l-approċċ deċentralizzat għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; jemmen li tali approċċ deċentralizzat jgħin kemm biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fil-livelli kollha kif ukoll biex jippromovi s-sjieda tal-Istati Membri tas-Suq Uniku, li hija essenzjali għall-funzjonament korrett tiegħu;

6.

jinnota li ħafna mill-ostakli ekonomiċi li fadal l-aktar sinifikanti jinsabu fil-qasam tas-servizzi;

7.

jenfasizza li s-servizzi huma l-komponent ewlieni tal-ekonomija Ewropea, u jgħoddu għal madwar 70 % kemm tal-PDG kif ukoll tal-impjiegi (2); jinnota, madankollu, li s-settur tas-servizzi tal-UE huwa kkaratterizzat minn tkabbir bil-mod fil-produttività u kompetizzjoni dgħajfa, u minn diversità enormi ta’ setturi tas-servizzi b’karatteristiċi differenti; jinnota li l-kummerċ fl-UE fis-servizzi jirrappreżenta biss terz mill-kummerċ fl-UE fil-merkanzija u ma juri l-ebda sinjal li se jżid il-livell tiegħu;

8.

jisħaq li l-ostakli mhux ġustifikati għall-provvista transkonfinali tas-servizzi, l-aktar b'riżultat ta' regoli u proċeduri nazzjonali li jvarjaw, huma fost il-kawżi ewlenin tal-prestazzjoni batuta tas-settur u li jekk jitneħħew dawn l-ostakli dan jista' jagħti lill-fornituri tas-servizzi u lill-konsumaturi opportunitajiet akbar biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku; li azzjoni ulterjuri għandha tkun ibbażata fuq ħtiġijiet demonstrabbli tal-fornituri tas-servizzi; li d-diversità enormi tas-setturi tas-servizzi tista’ tirrikjedi approċċ aktar speċifiku għas-setturi u li l-gvernijiet reġjonali u lokali jista’ jkollhom rwol importanti biex isolvu l-problemi li jinqalgħu;

9.

jisħaq li s-servizzi huma input intermedju importanti fl-ekonomija bħala parti minn katini globali ta’ valur u li s-servizzi kompetittivi, b'mod partikolari s-servizzi tan-negozju, huma kruċjali għall-produttività u l-kompetittività fl-ispejjeż f'setturi oħra bħal dak tal-manifattura li huma vitali għall-ekonomiji reġjonali u lokali;

10.

jinnota li, għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-potenzjal tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex ittejjeb il-moviment liberu tas-servizzi għadu ma ntlaħaqx għal kollox u li l-fornituri f'firxa ta' setturi tas-servizzi għadhom iħabbtu wiċċhom ma' firxa wiesgħa ta' ostakli meta huma jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor jew jipprovdu servizzi fuq bażi transkonfinali temporanja; jinnota li l-istimi jindikaw li l-indirizzar tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment transkonfinali fis-servizzi skont il-qafas diġà pprovdut mid-Direttiva dwar is-Servizzi jista' jżid 1,7 % mal-PDG tal-UE;

11.

jinnota li mill-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni fil-pakkett tas-servizzi, waħda biss ġiet adottata, jiġifieri d-direttiva dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta' regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet; jinnota wkoll li l-proposti leġislattivi għall-e-Card Ewropea tas-servizzi huma mblokkati fil-proċess leġislattiv u li d-direttiva proposta li tistipula proċedura ta' notifika għal skemi ta' awtorizzazzjoni u rekwiżiti relatati mas-servizzi mxiet 'il quddiem bil-mod ħafna;

12.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza l-attivitajiet kummerċjali u professjonali l-aktar komuni f’kull Stat Membru, li diġà jistgħu jibbenefikaw mid-Direttiva dwar is-Servizzi fis-seħħ, sabiex fl-iktar fis possibbli jista’ jsir inventarju komprensiv tal-ispejjeż u l-konġestjonijiet mhux neċessarji għall-intraprendituri; huwa jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tħejji, b’urġenza, rakkomandazzjoni li tinkorpora mudell standard ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni – kif previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva – sabiex l-Istati Membri jsegwu mudell komuni li jagħmilha kemm jista’ jkun faċli għall-fornituri biex jużawh bil-lingwi differenti tagħhom, bl-istess mod kif isir fil-qasam tar-regolamenti tekniċi b’effiċjenza kbira u bl-inqas spejjeż ta’ traduzzjoni possibbli;

13.

jinnota li s-sentenza tal-QĠUE fil-każ Visser Vastgoed (3) jista’ jkollha implikazzjonijiet sinifikanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jikkunsidra li dawn għandhom jiġu indirizzati mil-leġislazzjoni tal-UE u li d-direttiva ta' notifika proposta hija l-qafas xieraq fejn għandu jsir dan;

14.

jikkunsidra li l-implikazzjonijiet tal-każ Visser Vastgoed jistgħu ma jkunux limitati għal obbligi ta' notifika għal pjani ta' żonar tal-użu tal-art li jikkonċernaw servizzi tal-bejgħ bl-imnut iżda potenzjalment jestendu b’mod usa’;

15.

jirrikonoxxi l-importanza ta' Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb għar-reġjuni tal-fruntiera u jemmen li strumenti ta' kooperazzjoni transkonfinali tal-UE bħar-REKT (4) jista' jkollhom rwol utli x'jaqdu f'dan;

e-Card Ewropea tas-servizzi

16.

jieħu nota tal-fatt li l-Parlament Ewropew irrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal e-Card tas-servizzi u talab lill-Kummissjoni biex tirtira l-fajl; jinnota wkoll li l-Kunsill ma setax jilħaq pożizzjoni komuni dwar l-istess fajl u jfakkar li, sabiex jiġu appoġġjati n-negozji li jipprovdu servizzi transkonfinali, il-miżuri mid-Direttiva attwali dwar is-Servizzi, bħall-punti ta’ kuntatt individwali, għandhom jiġu implimentati b’mod korrett;

17.

ifakkar lill-koleġislaturi li l-e-Card tas-servizzi kienet oriġinarjament ibbażata fuq l-idea, liema idea l-proposta naqset li timplimenta, li tnaqqas il-kumplessità amministrattiva u l-ispejjeż għall-fornituri tas-servizzi transkonfinali, u b’mod partikolari għall-SMEs, meta jissodisfaw formalitajiet amministrattivi;

18.

jinnota li mingħajr l-implimentazzjoni ta' e-Card tas-servizzi, il-fornituri tas-servizzi transkonfinali għadhom jiffaċċjaw l-istess spejjeż biex jaqdu formalitajiet amministrattivi u li l-e-Card tas-servizzi suppost kellha tnaqqashom bin-nofs, li kien ikun ta' benefiċċju kbir għall-SMEs;

19.

għalhekk, ifakkar il-ħtieġa li jittieħdu passi importanti fis-simplifikazzjoni amministrattiva mill-perspettiva tal-fornituri tas-servizzi u l-ispejjeż mhux meħtieġa li għadhom jiffaċċjaw; jirrimarka, madankollu, li l-piż leġislattiv, tekniku u amministrattiv tal-introduzzjoni tal-e-Card tas-servizzi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkun proporzjonat mal-benefiċċji mistennija;

20.

ifakkar lill-koleġislaturi li d-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jidduplikaw rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk li l-fornitur diġà ssodisfa fi Stat Membru ieħor; jinnota, madankollu, li dan għadu mhux applikat biżżejjed fil-prattika, u li l-fornituri tas-servizzi għalhekk ħafna drabi jiffaċċjaw l-istess rekwiżiti bħall-kumpaniji domestiċi avolja diġà jkunu kkonformaw ma' rekwiżiti ekwivalenti jew simili fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom;

21.

ifakkar lill-koleġislaturi li l-kumplessità tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-piż amministrattiv li jirriżulta mill-proċedura proposta tal-e-Card tas-servizzi kienu fost ir-raġunijiet ewlenin għaliex ma ntlaħaqx il-kompromess fin-negozjati dwar din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonċentra fuq regoli sempliċi u ċari għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-proposti futuri tagħha;

22.

jinnota li d-diversità sinifikanti fil-forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja fl-Istati Membri wkoll għadha ostakolu għal-libertà tal-istabbiliment fis-settur tas-servizzi tan-negozju;

23.

jinnota bl-istess mod li l-fornituri tas-servizzi jesperjenzaw diffikultajiet kbar biex jiksbu kopertura tal-assigurazzjoni tal-indemnità professjonali meħtieġa bil-liġi meta jfittxu li joffru s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor;

24.

jinnota wkoll li l-liġijiet settorjali nazzjonali mhux dejjem jagħmlu d-distinzjoni meħtieġa bejn ir-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu lilhom infushom u dawk li jkunu qed ifittxu li jipprovdu servizzi transkonfinali b'mod temporanju, u dan jirriżulta f'inċertezza u rekwiżiti regolatorji sproporzjonati għall-fornituri tas-servizzi transkonfinali;

25.

jinnota b'dispjaċir li l-ostakli msemmija hawn fuq ma tneħħewx u għadhom jikkontribwixxu għal integrazzjoni fqira tas-servizzi fis-Suq Uniku, taħt il-qafas diġà pprovdut mid-Direttiva dwar is-Servizzi;

26.

għalhekk, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħrajn biex isibu bażi komuni biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li l-proposta leġislattiva għall-e-Card hija maħsuba li tindirizza, b'hekk tippermetti implimentazzjoni aħjar abbażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

27.

jirrikonoxxi l-approċċi differenti fl-Istati Membri għall-kriterji ta' eliġibbiltà għall-fornituri tas-servizzi biex jieħdu sehem f'offerti, li jistgħu jkunu ostaklu għas-Suq Uniku; għalhekk, il-potenzjal tal-istrumenti tal-UE għandu jintuża biex jissimplifika dawn l-approċċi kull fejn ikun possibbli;

28.

jiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar is-Servizzi li għandhom l-għan li jżidu l-attivitajiet transkonfinali u l-iżvilupp ta' Suq Uniku ġenwin għas-servizzi, permezz ta' konverġenza akbar tar-regoli tal-professjonijiet fil-livell Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi inizjattivi biex jinċentivaw lill-assoċjazzjonijiet professjonali fil-livell Ewropew biex jużaw dawn il-possibbiltajiet u b'hekk jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-fornituri tas-servizzi;

29.

jenfasizza l-importanza tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-kontribut tagħha għall-moviment liberu tas-servizzi fis-Suq Uniku. Fl-istess ħin jenfasizza li n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi, jiffaċċjaw ħafna sfidi meta japplikaw ir-regoli tad-Direttiva;

Proċedura ta' notifika

30.

jieħu nota tas-sentenza tal-QĠUE fil-każ Visser Vastgoed u tal-inċertezzi legali li jistgħu jġibu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali (5), partikolarment fir-rigward tal-kwistjoni tal-obbligu ta' notifika; ukoll peress li l-kamp ta' applikazzjoni jista' ma jkunx limitat għal servizzi ta' bejgħ bl-imnut u ppjanar tal-użu tal-art, iżda jista' jaffettwa attivitajiet regolatorji oħra tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

31.

jara opportunità fit-titjib tal-proċedura ta' notifika taħt il-Pakkett tas-Servizzi biex tindirizza l-kwistjonijiet li nħolqu mis-sentenza tal-QĠUE u jistieden lill-koleġislaturi biex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom sabiex joħorġu b'soluzzjonijiet matul in-negozjati attwali dwar il-proċedura ta' notifika, li jiżguraw ukoll li l-proċedura tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa;

32.

jisħaq li bosta awtoritajiet lokali u reġjonali jaffaċċjaw sfidi f'termini ta' kapaċità u riżorsi biex ilaħħqu mal-piż amministrattiv tal-obbligu ta' notifika legali attwali – fid-dawl tas-sentenza tal-QĠUE – u li kwalunkwe proċedura ta' notifika ġdida għandha tikkunsidra dan sabiex tnaqqas dan il-piż amministrattiv kemm jista' jkun;

33.

jinnota l-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn l-isforzi meħtieġa mill-obbligi ta' notifika u l-valur miżjud biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva dwar is-Servizzi, billi jiġi kkunsidrat li l-biċċa l-kbira tar-regolamenti lokali u reġjonali għandhom effett insinifikanti fuq is-Suq Uniku u li aktarx jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

34.

jenfasizza li kwalunkwe proċedura ta' notifika ġdida għandha tevita li twassal għal dewmien bla bżonn fl-adozzjoni tar-regolamenti lokali u reġjonali, peress li dan id-dewmien jaffettwa b'mod ħażin il-partijiet ikkonċernati kollha involuti u jxekkel l-attività ekonomika kif ukoll l-investiment (pereżempju fil-bejgħ bl-imnut u fl-iżvilupp tal-proprjetà immobbli relatat);

35.

jitlob trasparenza suffiċjenti u ftuħ għal djalogu min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta' kwalunkwe proċedura ta' notifika ġdida, partikolarment waqt il-fażi tal-proċedura li fiha l-Kummissjoni tivvaluta jekk regolament lokali jew reġjonali huwiex konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi;

36.

jinsisti fuq il-ħtieġa għal implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi u għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ b'sett ta' kriterji kwantitattivi u/jew kwalitattivi sabiex tevalwa liema tip ta' regolamenti lokali u reġjonali jistgħu jiġu eżentati min-notifika skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, mingħajr ma din l-eżenzjoni xxekkel l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi;

37.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-affidabbiltà ta' elementi deċentralizzati tal-implimentazzjoni, inkluż in-notifika, marbuta ma' kriterji kwantitattivi u/jew kwalitattivi, peress li dan jista' jżid l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u jwassal għal valutazzjoni aktar preċiża tal-interess pubbliku reġjonali u lokali; b'hekk jiġi rispettat il-prinċipju tal-awtonomija u tas-sussidjarjetà;

38.

jenfasizza l-importanza tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, tal-proporzjonalità u tal-interess pubbliku kif applikati fid-Direttiva dwar is-Servizzi, u jissottolinja li fil-kuntest regolatorju lokali u reġjonali l-Premessa 9 tad-Direttiva dwar is-Servizzi teskludi espliċitament mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha regoli li jikkonċernaw l-iżvilupp jew l-użu tal-art u l-ippjanar urban u rurali.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Kunsill tal-Ewropa, 1985.

(2)  Commission Staff Working Document, Single Market Performance Report 2019, SWD(2019) 444 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Kawżi Konġunti C-360/15 u C-31/16 deċiżi fit-30 ta' Jannar 2018.

(4)  Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali.

(5)  Hemm aktar minn 95 000 muniċipalità fl-UE, b'differenzi kbar fid-daqs u fil-kapaċità. Fil-Ġermanja u fl-Awstrija flimkien, sa 250 000 pjan spazjali lokali fil-prinċipju jistgħu jaqgħu taħt id-Direttiva dwar is-servizzi u l-obbligu ta' notifika tagħha (Rapport interim tal-15 ta' Jannar 2020 ta' studju kkummissjonat mill-KtR dwar l-Implikazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tad-Direttiva tan-notifika tal-KE fid-dawl tas-sentenza tal-QĠUE ta' Jannar 2018).


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/58


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima: jiġi stabbilit il-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika

(2020/C 324/10)

Relatur:

Juan Manuel MORENO BONILLA (ES/PPE), President tar-Reġjun ta’ Andalusija

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)

COM(2020) 80 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(5)

L-għan tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni u tal-Istati Membri huwa li tipproteġi lin-nies u lill-pjaneta kif ukoll il-benesseri, il-prosperità, is-saħħa, is-sistemi tal-ikel, l-integrità tal-ekosistemi u l-bijodiversità mit-theddida tat-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, u li tiżdied kemm jista’ jkun il-prosperità fil-limiti tal-pjaneta u li tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà b’rabta mat-tibdil fil-klima u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħha għal dan it-tibdil.

(5)

L-għan tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali huwa li tipproteġi lin-nies u lill-pjaneta kif ukoll il-benesseri, il-prosperità, is-saħħa, is-sistemi tal-ikel, l-integrità tal-ekosistemi u l-bijodiversità mit-theddida tat-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, u li tiżdied kemm jista’ jkun il-prosperità fil-limiti tal-pjaneta u li tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà b’rabta mat-tibdil fil-klima u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħha għal dan it-tibdil.

Raġuni

L-azzjoni lokali u reġjonali hija importanti sabiex jinkiseb l-għan tan-newtralità klimatika, kif rikonoxxut fil-Ftehim ta’ Pariġi u kompletament f’konformità mal-għanijiet stabbiliti fil-premessa. Għalhekk, huwa nuqqas li ma jiġux inklużi wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Emenda 2

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(14)

L-adattament huwa komponent ewlieni tat-tweġiba globali fit-tul għat-tibdil fil-klima. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jtejbu l-kapaċità ta’ adattament tagħhom, isaħħu r-reżiljenza u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, kif previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll li dawn iżidu kemm jista’ jkun il-benefiċċji kollaterali ma’ politiki ambjentali oħrajn u ma’ leġiżlazzjoni oħra f’dan il-qasam. Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw strateġiji u pjanijiet komprensivi nazzjonali ta’ adattament.

(14)

L-adattament huwa komponent ewlieni tat-tweġiba globali fit-tul għat-tibdil fil-klima. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jtejbu l-kapaċità ta’ adattament tagħhom, isaħħu r-reżiljenza u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, kif previst fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif ukoll li dawn iżidu kemm jista’ jkun il-benefiċċji kollaterali ma’ politiki ambjentali oħrajn u ma’ leġiżlazzjoni oħra f’dan il-qasam. Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw strateġiji u pjanijiet komprensivi nazzjonali ta’ adattament li jqisu d-diversità ekonomika, soċjali u ġeografika tat-territorji Ewropej, u l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi.

Raġuni

Il-fatturi territorjali għandhom rwol kruċjali biex tiġi determinata l-għażla t-tajba tal-politika biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rkupru u l-isforzi ta’ adattament. Il-kunsiderazzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi, soċjali u ekonomiċi huma essenzjali biex tiġi stmata u evalwata l-vulnerabbiltà, jiġu ġestiti r-riskji u jiġu definiti xenarji futuri għall-varjabbli klimatiċi. Il-ħolqien ta’ strument ta’ previżjoni għall-adattament u l-promozzjoni tal-kapaċità tar-reżiljenza li jistgħu jiġu adattati għar-realtajiet reġjonali u lokali differenti jkun pass importanti ’l quddiem fl-iżvilupp ta’ dawn l-istrateġiji.

Emenda 3

Premessa 17

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(17)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni ħabbret li beħsiebha tivvaluta l-proposti biex iżżid il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni għall-2030 biex tiżgura li din tkun konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika għall-2050, u li beħsiebha tagħmel it-tali proposti. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni saħqet li l-politiki kollha tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità klimatika u li s-setturi kollha għandhom jagħtu sehemhom. Jenħtieġ li, sa Settembru tal-2020, il-Kummissjoni tirrevedi l-mira tal-Unjoni għall-2030 b’rabta mal-klima u li din tesplora l-għażliet għal mira ġdida ta’ tnaqqis ta’ bejn 50 u 55 % fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-livelli tal-1990 għall-2030, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt u filwaqt li tqis l-analiżi li tkun għamlet tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima li jkunu ntbagħtulha skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Meta tqis li jkun hemm bżonn tinbidel il-mira tal-Unjoni għall-2030, jenħtieġ li tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex dan ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq. Barra minn hekk jenħtieġ li, sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni tivvaluta kif tkun trid tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimenta dik il-mira sabiex l-emissjonijiet jitnaqqsu b’ 50 sa 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

(17)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni ħabbret li beħsiebha tivvaluta l-proposti biex iżżid il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Unjoni għall-2030 biex tiżgura li din tkun konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika għall-2050, u li beħsiebha tagħmel it-tali proposti. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni saħqet li l-politiki kollha tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità klimatika u li s-setturi kollha għandhom jagħtu sehemhom. Jenħtieġ li, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-bidu ta’ Settembru tal-2020, il-Kummissjoni tirrevedi l-mira tal-Unjoni għall-2030 b’rabta mal-klima u li din tesplora l-għażliet għal mira ġdida ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-livelli tal-1990 għall-2030, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt u filwaqt li tqis l-analiżi li tkun għamlet tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima li jkunu ntbagħtulha skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Meta tqis li jkun hemm bżonn tinbidel il-mira tal-Unjoni għall-2030, jenħtieġ li tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex dan ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq. Barra minn hekk jenħtieġ li, sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni tivvaluta kif tkun trid tiġi emendata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timplimenta dik il-mira sabiex l-emissjonijiet jitnaqqsu b’ mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Raġuni

Jekk irridu niżguraw li Pjan ta’ Rkupru Ewropew ikun ekoloġiku u li l-investimenti tal-lum iwasslu biex jintlaħqu l-miri tal-2030 u fl-aħħar mill-aħħar dawk tal-2050, il-valutazzjoni tal-impatt tal-qafas leġislattiv tal-2030 jeħtieġ li tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli.

Emenda 4

Premessa 18

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(18)

Biex ikun żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri jibqgħu mexjin fit-triq it-tajba biex jiksbu l-objettiv tan-newtralità klimatika u biex jagħmlu progress fl-adattament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b’mod regolari l-progress li jkun qed isir. F’każ li l-progress kollettiv li l-Istati Membri jkunu għamlu biex jilħqu l-objettiv tan-newtralità klimatika jew b’rabta mal-adattament ma jkunx biżżejjed jew f’każ li l-miżuri tal-Unjoni ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika jew ma jkunux adegwati biex itejbu l-kapaċità ta’ adattament, biex isaħħu r-reżiljenza jew biex inaqqsu l-vulnerabbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa skont it-Trattati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll b’mod regolari l-miżuri nazzjonali rilevanti u tagħmel rakkomandazzjonijiet meta ssib li l-miżuri ta’ xi Stat Membru ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika jew ma jkunux adegwati biex itejbu l-kapaċità ta’ adattament, biex isaħħu r-reżiljenza u biex inaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima.

(18)

Biex ikun żgurat li l-Unjoni u l-Istati Membri jibqgħu mexjin fit-triq it-tajba biex jiksbu l-objettiv tan-newtralità klimatika u biex jagħmlu progress fl-adattament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkejjel u tivvaluta b’mod regolari l-progress li jkun qed isir , u tagħmel id-data kollha disponibbli għall-pubbliku . F’każ li l-progress kollettiv li l-Istati Membri jkunu għamlu biex jilħqu l-objettiv tan-newtralità klimatika jew b’rabta mal-adattament ma jkunx biżżejjed (ma jintlaħqux il-miri kwantitattivi jew l-iskadenzi) jew f’każ li l-miżuri tal-Unjoni ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 jew ma jkunux adegwati biex itejbu l-kapaċità ta’ adattament, biex isaħħu r-reżiljenza jew biex inaqqsu l-vulnerabbiltà, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa skont it-Trattati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll b’mod regolari l-miżuri nazzjonali rilevanti u tagħmel rakkomandazzjonijiet meta ssib li l-miżuri ta’ xi Stat Membru ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika jew ma jkunux adegwati biex itejbu l-kapaċità ta’ adattament, biex isaħħu r-reżiljenza u biex inaqqsu l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima.

Raġuni

Il-monitoraġġ effettiv tal-progress jista’ jsaħħaħ il-viżibbiltà, it-trasparenza u s-sjieda tal-isforzi biex tinkiseb in-newtralità klimatika. Għalhekk, id-data miksuba għandha tkun disponibbli l-ħin kollu u mhux biss fir-rapporti perjodiċi, u l-perjodu ta’ żmien għandu jissemma b’mod konkret.

Emenda 5

Premessa 20

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(20)

Minħabba li ċ-ċittadini u l-komunitajiet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex imexxu ’l quddiem it-trasformazzjoni lejn in-newtralità klimatika, jenħtieġ li tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni qawwija pubblika u soċjali b’rabta mal-azzjoni klimatika. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkollabora mas-setturi kollha tas-soċjetà biex tippermettilhom jieħdu azzjoni favur soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex tagħtihom is-setgħa jagħmlu dan, fosthom billi tniedi Patt Klimatiku Ewropew.

(20)

Minħabba li ċ-ċittadini u l-komunitajiet għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex imexxu ’l quddiem it-trasformazzjoni lejn in-newtralità klimatika, jenħtieġ li tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni qawwija pubblika u soċjali b’rabta mal-azzjoni klimatika. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkollabora mas-setturi kollha tas-soċjetà biex jissaħħu l-kooperazzjoni reċiproka, l-iskambju tal-informazzjoni u l-isforzi konġunti għas-sensibilizzazzjoni favur soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, fosthom billi tniedi l- Patt Klimatiku Ewropew bħala strument ta’ governanza innovattiv li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini inġenerali.

Raġuni

Il-ksib ta’ soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għall-klima għandu jibni fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku. It-tisħiħ ta’ dawn l-istrumenti huwa kompitu li jista’ jitmexxa mill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi tagħha, peress li huma bbażati fuq approċċ trasversali, filwaqt li l-azzjonijiet proposti huma speċifiċi għall-politiki settorjali li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jkunu jridu jsegwu, jekk meħtieġ.

Emenda 6

Premessa 21

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(21)

Biex l-atturi ekonomiċi kollha, fosthom in-negozji, il-ħaddiema, l-investituri u l-konsumaturi, jingħataw il-prevedibbiltà u l-fiduċja, biex ikun żgurat li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tkun irriversibbli, biex ikun żgurat li jkun hemm tnaqqis gradwali maż-żmien u biex tingħata għajnuna fil-valutazzjoni tal-konsistenza tal-miżuri mal-objettiv tan-newtralità klimatika u fil-valutazzjoni tal-progress li jkun qed isir biex jinkiseb dan l-objettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi trajettorja biex jinkisbu emissjonijiet żero netti tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni sal-2050. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet ix-xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(21)

Biex l-atturi ekonomiċi kollha, fosthom in-negozji, il-ħaddiema, l-investituri u l-konsumaturi, jingħataw il-prevedibbiltà u l-fiduċja, biex ikun żgurat li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tkun irriversibbli, biex ikun żgurat li jkun hemm tnaqqis gradwali maż-żmien u biex tingħata għajnuna fil-valutazzjoni tal-konsistenza tal-miżuri mal-objettiv tan-newtralità klimatika u fil-valutazzjoni tal-progress li jkun qed isir biex jinkiseb dan l-objettiv, il-Kummissjoni Ewropea ser tipproponi trajettorja biex jinkisbu emissjonijiet żero netti tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni sal-2050. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet ix-xierqa hija u tfassal il-proposta tagħha, b’mod partikolari mal-esperti, u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Raġuni

It-tneħħija ta’ kwalunkwe referenza għall-fatt li t-trajettorja ser tiġi stabbilita permezz ta’ atti delegati. Il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tipproponi t-trajettorja u tevalwa l-progress.

Emenda 7

Artikolu 2(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali rispettivament, biex ikun jista’ jinkiseb b’mod kollettiv l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-importanza tal-fatt li jippromwovu l-ġustizzja u s-solidarjetà fost l-Istati Membri.

L-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali rispettivament, biex ikun jista’ jiġi implimentat b’mod kollettiv l-objettiv tan-newtralità klimatika fir-reġjuni u l-bliet Ewropej, stabbilit fil-paragrafu 1, filwaqt li jqisu l-importanza tal-fatt li jippromwovu l-ġustizzja u s-solidarjetà fost l-Istati Membri.

Raġuni

L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-klima tiddependi l-aktar mill-bliet u r-reġjuni Ewropej. Għalhekk, huwa meħtieġ li tinbidel id-diċitura.

Emenda 8

Artikolu 2(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sa Settembru tal-2020, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-mira tal-Unjoni għall-2030 b’rabta mal-klima msemmija fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament (UE) 2018/1999 fid-dawl tal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u għandha tesplora l-għażliet għal mira ġdida ta’ tnaqqis ta’ bejn 50 u 55 % fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-livelli tal-1990 għall-2030. Meta l-Kummissjoni tqis li jkun hemm bżonn tinbidel din il-mira, għandha tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif xieraq.

Mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-bidu ta’ Settembru tal-2020, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-mira tal-Unjoni għall-2030 b’rabta mal-klima msemmija fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament (UE) 2018/1999 fid-dawl tal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u għandha tesplora l-għażliet għal mira ġdida ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-livelli tal-1990 għall-2030. Meta l-Kummissjoni tqis li jkun hemm bżonn tinbidel din il-mira, għandha tagħmel proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif xieraq.

Raġuni

L-emenda ssegwi l-istess loġika tal-emenda għall-premessa 17.

Emenda 9

Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Trajettorja biex tinkiseb in-newtralità klimatika

Trajettorja biex tinkiseb in-newtralità klimatika

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 9 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi trajettorja fil-livell tal-Unjoni biex, sal-2050, jinkiseb l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1). Sa mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta jsir kull rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-trajettorja .

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tipproponi tibdil għal dan ir-Regolament billi tipproponi trajettorja fil-livell tal-Unjoni biex, sal-2050, jinkiseb l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1). Sa mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta jsir kull rendikont globali msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-progress li jsir fit-twettiq tal-objettiv tan-newtralità klimatika .

2.   It-trajettorja għandha tibda mill-mira tal-Unjoni għall-2030 b’rabta mal-klima msemmija fl-Artikolu 2(3).

2.   It-trajettorja għandha tibda mill-mira tal-Unjoni għall-2030 b’rabta mal-klima msemmija fl-Artikolu 2(3).

3.   Hija u  tistabbilixxi trajettorja skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis l-affarijiet li ġejjin:

3.   Hija u  tipproponi trajettorja skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis l-affarijiet li ġejjin:

Raġuni

It-tneħħija ta’ kwalunkwe referenza għall-fatt li t-trajettorja ser tiġi stabbilita permezz ta’ atti delegati. Il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tipproponi t-trajettorja u tevalwa l-progress.

Emenda 10

Artikolu 3(3)(e)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

e)

il-ġustizzja u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u ġo fihom;

e)

il-ġustizzja u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u ġo fihom , waqt li titqies kompletament il-koeżjoni territorjali tal-UE ;

Raġuni

Il-kriterji biex tiġi stabbilita t-trajettorja lejn in-newtralità klimatika għandhom iqisu b’mod ċar il-koeżjoni reġjonali tal-UE.

Emenda 11

Artikolu 3(3)(k) u (l) – inċiżi ġodda

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(k)

l-impenn tat-tmexxija globali dwar in-newtralità klimatika;

(l)

il-valutazzjoni tal-marka tal-karbonju u l-impronta tal-ilma u tal-bijodiversità fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi kif ukoll l-impenji tal-UE skont it-Trattati internazzjonali rilevanti.

Raġuni

L-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li taqdi rwol prominenti u influwenti fil-livell internazzjonali, u li taqdi rwol ewlieni fit-tranżizzjoni ekoloġika, ġusta u solidari li l-istati u r-reġjuni jridu jwettqu biex jilħqu l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050, mingħajr ma ħadd jitħalla jibqa’ lura. Minħabba n-natura u d-dimensjoni globali tal-impatti klimatiċi u r-riperkussjonijiet soċjoekonomiċi tagħhom, li ma jirrispettawx il-fruntieri, titqies bħala opportunità li din l-intenzjoni soda tal-Unjoni Ewropea tiġi inkluża, billi fl-att ikkonċernat jiġi inkluż l-obbligu li jitqies, fil-ħolqien tat-trajettorja lejn in-newtralità, li l-politiki u l-azzjonijiet kollha tagħha jinkorporaw l-impenji biex jissaħħu, fil-pajjiżi u r-reġjuni terzi l-oħra kollha li magħhom jinżammu relazzjonijiet ta’ kwalunkwe tip, l-istess prinċipji li huma sottostanti għal dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, jidher opportun li l-Unjoni Ewropea tqis l-impronta tal-karbonju u l-impronta tal-ilma tal-prodotti ġejjin minn pajjiżi terzi, peress li b’dan il-mod mhux biss ser tkun qed tgħin il-kompetittività tal-ekonomija tagħna, iżda wkoll issaħħaħ ir-rwol ewlieni fin-newtralità klimatika billi tirrikjedi standards globali.

Emenda 12

Artikolu 4(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u pjanijiet ta’ adattament li jkunu jinkludu oqfsa komprensivi għall-ġestjoni tar-riskju bbażati fuq xenarji ta’ referenza sodi dwar il-klima u l-vulnerabbiltà u fuq valutazzjonijiet tal-progress li jkun sar.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u pjanijiet ta’ adattament li jkunu jinkludu oqfsa komprensivi għall-ġestjoni tar-riskju bbażati fuq xenarji ta’ referenza sodi dwar il-klima u l-vulnerabbiltà u fuq valutazzjonijiet tal-progress li jkun sar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-integrazzjoni tal-perspettiva reġjonali, lokali uultraperiferika fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ adattament tagħhom.

Raġuni

L-impatt tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima mhuwiex l-istess fit-territorji differenti. Dawn jaffettwahom b’mod differenti skont id-diversi fatturi involuti. Hemm inugwaljanzi fl-impatt tal-effetti tat-tibdil fil-klima minħabba l-pożizzjoni ġeografika, u s-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi; fil-qosor, hemm inugwaljanzi fil-livell ta’ riskju, esponiment u vulnerabbiltà.

Din is-sitwazzjoni hija riflessa fil-ħtieġa li, peress li wasal iż-żmien li jiġu vvalutati r-riskji tal-impatt tat-tibdil fil-klima, hemm bżonn li jsiru distinzjonijiet fil-livell reġjonali jew saħansitra lokali, abbażi tal-fatturi ġeografiċi u soċjoekonomiċi. Għaldaqstant, minkejja n-natura globali tal-problema tat-tibdil fil-klima, l-adattament għandu jiġi adattat għall-karatteristiċi ta’ kull territorju skont it-tip ta’ impatti u d-dimensjoni speċifika tagħhom. Dan ma jimpedixxix l-iżvilupp ta’ dawn il-politiki biex jiġu strutturati madwar strateġiji komuni b’ambiti wiesgħa aktar minn dawk li jeħtieġ jiġu allinjati.

Emenda 13

Artikolu 5(2a) ġdid

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

2(a)     Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u r-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu abbażi ta’ sistema ta’ informazzjoni komuni fl-UE kollha, aċċessibbli għall-pubbliku u li tintegra l-informazzjoni ġġenerata mill-atturi differenti involuti fil-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika u li jitmexxa ’l quddiem l-adattament. Għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti li jiżguraw l-istandardizzazzjoni u l-omoġeneità tal-informazzjoni, waqt li jiġi żgurat li din tkun tikkonsisti f’data faċli biex tintuża, aċċessibbli, interoperabbli u li tista’ tintuża mill-ġdid. Din is-sistema ser tibbenefika mill-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda.

Raġuni

Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà kollha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, huwa essenzjali li jkun hemm informazzjoni ta’ kwalità u vverifikata, li sservi bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għat-tfassil tal-politiki u l-miżuri adatti. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu ddefiniti prattiki tajba għall-ġbir u t-trasferiment tal-informazzjoni u li jiġi standardizzat u omoġenizzat l-ipproċessar tagħhom. Barra minn hekk, hemm bżonn li tiġi stabbilita sistema għat-titjib kontinwu ta’ din l-informazzjoni u li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ data bejn l-atturi involuti, sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji li jistgħu jinħolqu u jiġu ottimizzati r-riżorsi.

Emenda 14

Artikolu 5(3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

3.   Meta, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u 2, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri tal-Unjoni ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) jew li dawn ma jkunux adegwati biex jiżguraw li jsir il-progress b’rabta mal-adattament imsemmi fl-Artikolu 4, jew li l-progress li jkun qed isir biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika jew b’rabta mal-adattament imsemmi fl-Artikolu 4 ma jkunx biżżejjed, hija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa skont it-Trattati meta tkun qed tirrevedi t-trajettorja msemmija fl-Artikolu 3(1).

3.   Meta, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u r-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri tal-Unjoni ma jkunux konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) jew li dawn ma jkunux adegwati biex jiżguraw li jsir il-progress b’rabta mal-adattament imsemmi fl-Artikolu 4, jew li l-progress li jkun qed isir biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika jew b’rabta mal-adattament imsemmi fl-Artikolu 4 ma jkunx biżżejjed, hija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa skont it-Trattati meta tkun qed tirrevedi t-trajettorja msemmija fl-Artikolu 3(1).

Raġuni

Biex tingħata aktar konsistenza lit-test, billi jintużaw ir-referenzi preċiżi fl-Artikolu nnifsu, abbażi tal-għan tal-paragrafi msemmija.

Emenda 15

Artikolu 6(2a) ġdid

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

2(a)     Is-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) għandu jkollha taqsima li tistabbilixxi l-istrateġiji, il-miżuri u l-aħjar prattiki, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-adegwatezza tal-miżuri tal-Istati Membri mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Raġuni

Bil-għan li l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-Istati Membri tkun sempliċi kemm jista’ jkun, jeħtieġ li jkollhom aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità għolja u vverifikata, li sservi bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u d-definizzjoni ta’ politiki u miżuri adatti. Il-bażi tal-għarfien jeħtieġ li tiżdied, il-komunikazzjoni dwar l-inizjattivi u l-istrateġiji innovattivi għandha tiġi promossa u t-trasferiment ta’ prattiki tajba għandu jiġi promoss fil-livell tal-UE, bil-għan li tiġi promossa s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, jiġu sfruttati s-sinerġiji u jiġu ottimizzati r-riżorsi.

Emenda 16

Artikolu 7(1)(f) ġdid

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(f)

informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-progress u l-impatti territorjali.

Raġuni

Minħabba r-rwol kruċjali li ser jaqdu r-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa fl-implimentazzjoni tal-politiki differenti inklużi fil-qafas tal-liġi dwar il-klima, jeħtieġ li jitqiesu l-fehmiet tagħhom meta jiġu kkunsidrati r-reviżjonijiet tat-trajettorja lejn in-newtralità klimatika.

Emenda 17

Artikolu 7(1)(e)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(e)

kull informazzjoni supplimentari dwar l-investiment sostenibbli mil-lat tal-ambjent min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fosthom l-investiment li jkun konsistenti mar-Regolament (UE) 2020/… [ir-Regolament dwar it-tassonomija], meta dan ikun disponibbli.

(e)

kull informazzjoni supplimentari dwar l-investiment sostenibbli mil-lat tal-ambjent min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri , kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali , fosthom l-investiment li jkun konsistenti mar-Regolament (UE) 2020/… [ir-Regolament dwar it-tassonomija], meta dan ikun disponibbli.

Raġuni

Minkejja li l-investimenti tagħhom huma iżgħar minn dawk tal-Unjoni u l-Istati Membri, jekk jitqiesu l-investimenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, dan jiżgura rispett sħiħ tad-diversità territorjali tal-Unjoni Ewropea fi kwalunkwe reviżjoni tat-trajettorja lejn in-newtralità klimatika. Barra minn hekk, ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa spiss huma l-punti ċentrali tal-innovazzjoni fir-rigward tas-sostenibbiltà u għandhom jitqiesu kif imiss meta jiġu stabbiliti miri ambizzjużi fil-futur.

Emenda 18

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tikkollabora mas-setturi kollha tas-soċjetà biex tippermettilhom jieħdu azzjoni favur soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex tagħtihom is-setgħa jagħmlu dan . Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita proċess inklużiv u aċċessibbli fil-livelli kollha, fosthom fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, mas-sħab soċjali, maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili biex jiġu skambjati l-aqwa prattiki u biex jiġu identifikati l-azzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tirreferi wkoll għad-djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

Il-Kummissjoni għandha tikkollabora mas-setturi kollha tas-soċjetà biex tippermettilhom jadottaw miżuri komprensivi biex tinkiseb soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita proċess inklużiv u aċċessibbli fil-livelli kollha, fosthom fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, mas-sħab soċjali, maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili biex jiġu skambjati l-aqwa prattiki u biex jiġu identifikati l-azzjonijiet li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament (EU) 2018/1999. B’mod speċjali, bħala parti mill-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni għandha tiddependi mir-rabta diretta bejn iċ-ċittadini, in-negozji lokali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, u tappoġġjaha, peress li l-bini ta’ soċjetà reżiljenti għall-klima u l-iżgurar tal-appoġġ għall-komunitajiet ser jiddependu minn din ir-rabta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tirreferi wkoll għad-djalogi f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1999 , kif ukoll l-attivitajiet fl-ambitu tal-Patt Klimatiku Ewropew .

Raġuni

Il-ksib ta’ soċjetà newtrali għall-klima u reżiljenti għall-klima għandu jibni fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni soċjali. It-tisħiħ ta’ dawn l-istrumenti huwa kompitu li jista’ jitmexxa mill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi tagħha, peress li huma bbażati fuq approċċ trasversali, filwaqt li l-azzjonijiet proposti huma speċifiċi għall-politiki settorjali li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jkunu jridu jsegwu, jekk meħtieġ. Hemm bżonn ta’ Rkupru Ekoloġiku. Madankollu, biex dan isir realtà, iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jeħtieġ li jaderixxu mal-proġett. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu.

Emenda 19

Artikolu 9

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Eżerċizzju tad-delega

1.     Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 3(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.     Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 3(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu mhux determinat taż-żmien li jibda minn … [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.     Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.     Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.

6.     Att delegat adottat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

 

Raġuni

L-użu ta’ atti delegati mill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi l-miri huwa inkompatibbli mal-Artikolu 290 tat-TFUE.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa wieħed mill-inizjattivi ewlenin tal-UE. Madankollu, jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida ta’ tkabbir tal-proġett Ewropew, kif ukoll il-Komunikazzjoni ppubblikata reċentement tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġit tal-UE jsaħħu l-pjan ta’ rkupru sabiex jiġi żgurat irkupru rapidu u sħiħ mill-kriżi ekonomika u tas-saħħa ta’ bħalissa. Jenfasizza li l-objettiv ewlieni tal-Patt Ekoloġiku jrid ikun it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li fl-istess ħin jiġi stimulat irkupru ekonomiku mgħaġġel u sostenibbli, peress li jirrikonoxxi li din it-tranżizzjoni twassal għal opportunitajiet ġodda għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha, u twassal lejn soċjetà u ekonomija aktar reżiljenti;

2.

jappoġġja l-istabbiliment tal-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika tal-UE permezz ta’ objettiv legalment vinkolanti adattat bħala pass meħtieġ biex il-proġett Ewropew jimxi lejn in-newtralità klimatika irriversibbli sal-2050. Dan l-impenn huwa meħtieġ biex l-Unjoni Ewropea tiġi kkonsolidata bħala l-mexxejja dinjija fl-azzjoni klimatika u bħala ambaxxatur biex jinżammu l-ambizzjonijiet għoljin ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti, flimkien mal-importanza li jiżdied il-volum tat-tneħħija tal-gass. kif ukoll biex tinbena l-fiduċja fost iċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà ċivili tagħna, u b’hekk jiġi żgurat sforz inklużiv u miftiehem; f’dan il-kuntest, ikun importanti wkoll li jiġi kkunsidrat il-perkors ta’ politika meħtieġ lil hinn mill-2050, meta x’aktarx li ser tibqa’ tkun meħtieġa sistema sostenibbli ta’ emissjonijiet negattivi; f’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi żviluppat il-kunċett ta’ ġustizzja klimatika bejn il-ġenerazzjonijiet u jittieħed kont tagħha f’teħid ta’ deċiżjonijiet fil-preżent u fil-futur;

3.

jindika li l-kriżi attwali tas-saħħa tenfasizza iżjed il-ħtieġa għal tranżizzjoni lejn soċjetà u ekonomija aktar sostenibbli u reżiljenti, peress li jekk it-tibdil fil-klima jibqa’ jiġi injorat, dan jista’ jkollu konsegwenzi aktar profondi fil-livell globali; jenfasizza li t-tranżizzjoni għandha tkun ġusta, gradwali u permanenti, peress li s-soluzzjonijiet mhux sostenibbli fuq perjodu qasir ta’ żmien jistgħu jkunu ta’ detriment minflok ta’ benefiċċju fit-triq lejn in-newtralità klimatika;

4.

jenfasizza li l-Liġi Ewropea dwar il-Klima għandha tiżgura wkoll li l-miżuri implimentati biex jinkisbu emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti jridu jsaħħu u ma jikkompromettux għanijiet ambjentali oħra ta’ prijorità, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità jew il-ġestjoni ta’ żoni protetti;

5.

jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq l-ilħuq tal-objettiv ta’ newtralità klimatika u ta’ kwalunkwe miri interim; ifakkar li r-Renju Unit bħalissa huwa t-tieni l-akbar emittent tas-CO2 fl-UE, bi tnaqqis kontinwu u ppjanat ogħla aktar mill-medja tal-UE u b’mira nazzjonali vinkolanti dwar il-klima ta’ madwar 57 % sal-2030 (1);

6.

ifakkar fid-Dikjarazzjoni adottata reċentement dwar “L-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi tar-rispons Ewropew għall-kriżi tal-COVID-19” u l-ħtieġa li l-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun aspett ewlieni tal-pjan ta’ rkupru tal-UE, sabiex il-kriżi ssir opportunità biex jiġi indirizzat b’mod urġenti t-tibdil fil-klima u tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

7.

jemmen li jeħtieġ li jiġu involuti l-gvernijiet sottonazzjonali rilevanti kollha fl-abbozzar tal-pjani nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) u l-politiki nazzjonali fit-tul permezz ta’ djalogu parteċipattiv f’diversi livelli ġenwin abbażi ta’ esperjenzi reġjonali u lokali. Jaqbel li d-djalogu f’diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija jiġi inkluż fil-qafas tal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-klima iżda jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ aktar sistematiku biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu integrati f’dawn il-proċessi ta’ tranżizzjoni għan-newtralità klimatika, mhux biss fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet Ewropew iżda wkoll fin-negozjati internazzjonali; jerġa’ jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi Pjattaforma permanenti ta’ Djalogu f’Diversi Livelli dwar l-Enerġija (2) sabiex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità tan-negozju u partijiet oħra interessati rilevanti fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija;

8.

jenfasizza li, peress li l-involviment taċ-ċittadini huwa fundamentali sabiex jinkiseb progress sinifikanti lejn in-newtralità klimatika, l-inizjattivi li jħeġġu kontribut mill-iktar livell baxx u li jappoġġjaw l-iskambju ta’ informazzjoni u t-tagħlim fil-livell bażiku għandhom jitqiesu indispensabbli għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; f’dan ir-rigward, jissuġġerixxi li l-Patt Klimatiku Ewropew jiġi inkluż fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u jenfasizza li l-Patt għandu jiġi żviluppat bħala strument ta’ governanza innovattiv li jippermetti komunikazzjoni bidirezzjonali, kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fil-livelli, is-setturi u t-territorji kollha sabiex jittejbu l-effikaċja u l-leġittimità tal-politika dwar il-klima tal-UE. Jenfasizza li l-involviment adegwat tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati l-oħra mhux biss jiffaċilita l-aċċettazzjoni tal-politiki, iżda wkoll iħeġġeġ il-kejl wiesa’ u trasparenti tal-progress, u b’hekk jagħti lin-nies u lill-organizzazzjonijiet fuq il-post sens aktar tanġibbli ta’ awtoeffikaċja fil-proċess ta’ trasformazzjoni;

9.

ifakkar li approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” mhuwiex adegwat biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, waqt li jenfasizza d-diversità tar-reġjuni tal-Ewropa f’dak li jirrigwarda l-klima, l-ambjent, il-pajsaġġ, il-mobilità u l-istruttura ekonomika u soċjali; ifakkar li l-Liġi Ewropea dwar il-Klima tirrapreżenta r-regolament qafas li ser jidderiġi politiki individwali lejn l-objettiv klimatiku u li s-suċċess tagħha ser jiddependi ħafna mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Bl-istess mod jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-livell ta’ gvern l-eqreb taċ-ċittadini għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-ġestjoni tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija permezz tal-awtokonsum, il-ġenerazzjoni distribwita u n-networks intelliġenti, il-promozzjoni tal-investiment u r-rabta tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima mal-miżuri adottati b’rabta mal-akkomodazzjoni, il-faqar enerġetiku u t-trasport;

10.

jenfasizza li l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, bħala l-pilastru ċentrali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-liġi qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika, għandha tiżgura li l-miżuri kollha tal-UE jaderixxu mal-prinċipju ta’ “tagħmilx ħsara” u, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà attiv, jirrispettaw bis-sħiħ il-livelli kollha ta’ gvern bħala msieħba fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u mhux bħala partijiet interessati;

11.

jappella li d-deċiżjonijiet fundamentali dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi klimatiċi ma jittiħdux bl-użu ta’ atti delegati, għax inkella s-setgħat ta’ kodeċiżjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali se jitnaqqsu. F’dan il-kuntest, il-KtR huwa tal-fehma li l-perkors li se jiġi definit biex tinkiseb in-newtralità klimatika huwa deċiżjoni fundamentali;

12.

isostni li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, huwa essenzjali li jkun hemm informazzjoni ta’ kwalità għolja u vverifikata, li tista’ sservi bħala bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għat-tfassil tal-politiki u l-miżuri adatti. L-impatt tat-tibdil fil-klima jseħħ fil-livell territorjali, u jaffettwa b’mod dirett lir-reġjuni u ’l-muniċipalitajiet. L-amministrazzjonijiet ġenerali ta’ kull Stat huma responsabbli għat-tfassil u t-trażmissjoni tal-inventarji nazzjonali. Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-kejl, huwa importanti li jiġu żviluppati metodoloġiji fil-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-livell lokali u reġjonali, sabiex ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet ikunu jistgħu jħejju l-inventarji tagħhom skont l-istess kriterji, abbażi ta’ approċċ territorjali. Din l-informazzjoni tippermetti l-identifikazzjoni ta’ xenarji speċifiċi ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għalihom jistgħu jiġu żviluppati pjani ta’ azzjoni adatti għas-sitwazzjoni soċjoekonomika u ambjentali ta’ kull reġjun, kif ukoll objettivi settorjali speċifiċi. Barra minn hekk, monitoraġġ imwettaq minn perspettiva reġjonali u lokali jippermetti analiżi aħjar ta’ kwalunkwe devjazzjoni possibbli mit-trajettorji ddefiniti fil-pjani kif ukoll tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati;

13.

isostni li monitoraġġ effettiv tal-progress jista’ jsaħħaħ il-viżibbiltà, it-trasparenza u s-sjieda tal-isforzi biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li, biex dawn l-effetti jseħħu, jenħtieġ li d-data għall-monitoraġġ tal-progress skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tinġabar, fejn meħtieġ, fil-livell reġjonali, pjuttost milli fil-livell nazzjonali; jipproponi li d-data miġbura tkun disponibbli faċilment u kontinwament għall-pubbliku, u mhux biss permezz ta’ rapporti regolari, peress li l-involviment tal-partijiet interessati fil-proċess ta’ monitoraġġ jista’ jkun essenzjali biex tinżamm trajettorja realistika u pubblikament aċċettabbli biex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika fl-2050;

14.

isostni li r-Regolament dwar il-Governanza għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) jinkludu rendikont tal-kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali sabiex jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali biex jinkisbu l-impenji internazzjonali relatati mal-klima: “Il-governanza klimatika wara l-2020: perspettiva Ewropea u globali – kontribut għall-COP24 tal-UNFCCC”, ta’ Andrew Varah Cooper;

15.

jenfasizza li l-inklużjoni ta’ għanijiet lokali u reġjonali mhux biss iżżid it-trasparenza u ttejjeb il-kwalità u l-granularità tal-isforzi ġenerali tal-monitoraġġ tal-progress, iżda tkun ukoll ta’ benefiċċju kbir għall-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn il-livelli kollha tal-gvern, kemm fl-azzjoni kif ukoll fl-allokazzjoni baġitarja. Dan inaqqas ħafna r-riskju li l-politiki individwali jiġu inklużi fil-qafas tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima li jwassal għal riżultat potenzjalment dannuż għall-koeżjoni reġjonali tal-Ewropa;

16.

jenfasizza li allokazzjoni diretta ta’ fondi mfassla apposta għal miżuri adatti fil-livell reġjonali u lokali skont l-objettivi speċifiċi għal dak il-livell, ma jkollhiex biss effett qawwi fuq l-ekonomija, iżda wkoll effett ta’ mobilizzazzjoni soċjali fuq l-involviment tas-soċjetà fl-istrutturi ta’ parteċipazzjoni;

17.

jissuġġerixxi li l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-miżuri nazzjonali, flimkien mar-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, jinkludu kapitolu lokali u reġjonali li jagħti aktar trasparenza u dettall lill-isforzi marbutin mal-monitoraġġ tal-progress fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-KtR jappoġġja l-abbozzar ta’ dan il-kapitolu;

18.

itenni l-appell biex jinħoloq osservatorju Ewropew dwar in-newtralità klimatika li jgħin biex jintlaħqu l-obbligi nazzjonali ta’ rappurtar fil-qafas tal-governanza tal-unjoni tal-enerġija. Dan għandu, b’mod indipendenti u pubbliku, jipprovdi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-pubbliku ġenerali b’informazzjoni aġġornata dwar il-fehim xjentifiku tat-tibdil fil-klima u x-xenarji biex jillimitawh. Fl-istess ħin, għandu jsir awditu ġdid tal-kompetenzi tal-UE fil-qafas tal-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE. L-osservatorju għandu jgħin ukoll fl-immappjar u l-monitoraġġ tal-ispeċifiċitajiet u l-vulnerabilitajiet tat-territorji Ewropej sabiex jiġi evitat li l-proċess ta’ tranżizzjoni jiġi rrifjutat. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tat-tkabbir tal-UE u pilastru ċentrali tal-istrateġja għall-irkupru sostenibbli tal-UE wara l-pandemija tal-COVID-19,u għalhekk, l-allinjament tal-implimentazzjoni tal-politika mat-tkabbir tal-ħiliet hija essenzjali għat-tfassil ta’ politiki validi għall-futur, għal soċjetà ġusta u għal ekonomija sostenibbli;

19.

jenfasizza li l-effettività tal-isforzi tal-parteċipazzjoni pubblika ma tiddependix biss mill-ġbir ta’ informazzjoni mis-setturi kollha tas-soċjetà, iżda wkoll fuq li tingħata informazzjoni adegwata dwar l-impatt tal-kontributi tagħhom. Is-soluzzjonijiet sostenibbli jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati, mhux biss fl-operat u l-manutenzjoni tas-sistemi, iżda wkoll fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għalhekk, l-isforzi tal-parteċipazzjoni pubblika li jiffukaw biss fuq il-komunikazzjoni f’direzzjoni waħda mhumiex biżżejjed biex jippromovu bidla fl-imġiba;

20.

jirrakkomanda li l-enerġiji rinnovabbli jintużaw biex jintlaħqu l-miri klimatiċi. Il-KtR ma jqisx li l-enerġija nukleari hija teknoloġija sostenibbli għall-futur u ma japprovax l-użu miżjud tagħha;

21.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa huma parti mill-istruttura governattiva u demokratika rikka u diversa tal-UE u għandhom jiġu ttrattati bħala tali. Jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandux jitqies bħala parti mill-involviment pubbliku, u m’għandux ikun limitat għal ċerti eżerċizzji, iżda għandu jippermetti l-kontribut sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tul iċ-ċiklu tat-tfassil tal-politiki kif ukoll l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-korpi leġislattivi eżistenti. Ifakkar, f’dan ir-rigward, li fil-Ftehim ta’ Pariġi jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tal-governanza f’diversi livelli fil-politiki dwar il-klima u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mar-reġjuni u l-bliet. Ifakkar ukoll li fl-Artikolu 2, il-Partijiet impenjaw ruħhom li jadattaw il-flussi finanzjarji pubbliċi u privati skont l-għanijiet tal-Ftehim u l-iżvilupp reżistenti għat-tibdil fil-klima. B’rabta mal-Liġi dwar il-Klima, il-proċessi ta’ rapportar u ta’ rieżami eżistenti u li għadhom kif ġew stabbiliti għandhom jipprovdu bażi biex il-flussi ta’ finanzjament isiru kompletament konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali;

22.

ifakkar fil-problemi sostanzjali tal-enerġija nukleari f’termini tas-sostenibilità tagħha (kemm f’termini tal-materja prima tagħha kif ukoll tal-kwistjoni mhux solvuta tal-iskart nukleari) u għalhekk jirrakkomanda li t-triq lejn il-kisba tal-miri klimatiċi prinċipalment għandha tkun dik tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minflok tinvolvi żieda fl-użu tal-enerġija nukleari, f’konformità mal-Artikolu 194 tat-TFUE;

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(1)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(1)  O. Geden, F. Schenuit, Climate Neutrality as Long-term Strategy: The EU’s Net Zero Target and Its Consequences for Member States (In-newtralità klimatika bħala strateġija fit-tul: il-mira tal-EU ta’ emissjonijiet żero netti u l-konsegwenzi fuq l-Istati Membi), Awwissu 2019.

(2)  Il-KtR ilu jsostni din il-pożizzjoni f’diversi Opinjonijiet tiegħu: “Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-enerġija nadifa” tar-relatur Bruno Hranić (HR/PPE); “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, tar-relatur Michele Emiliano (IT/PSE); “Il-governanza klimatika wara l-2020: perspettiva Ewropea u globali – kontribut għall-COP24 tal-UNFCCC”, tar-relatur Andrew Varah Cooper (UK/AE); u r-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew adottata f’Diċembru 2019.


1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/74


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

(2020/C 324/11)

Relatur ġenerali:

Vojko OBERSNEL (HR/PSE), Membru ta' Eżekuttiv Lokali: Belt ta' Rijeka

Dokumenti ta’ referenza:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

COM(2020) 22 final

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi

COM(2020) 23 final

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

COM(2020) 460 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL EMENDI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

COM(2020) 22 final

Emenda 1

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jeħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (“FSE+”) jew mill-Fond ta’ Koeżjoni. Skont l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], ir-riżorsi tal-JTF għandhom jissaħħu b’finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. L-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE + jeħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta’ operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

Sabiex tiġi pprovduta flessibbiltà għall-ipprogrammar tar-riżorsi tal-JTF taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir, jeħtieġ li jkun possibbli li jitħejja programm JTF awtonomu jew li jiġu pprogrammati riżorsi JTF fi prijorità speċifika waħda jew aktar fi programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (“FSE+”) jew mill-Fond ta’ Koeżjoni. Skont l-Artikolu 21a tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], ir-riżorsi tal-JTF jistgħu jissaħħu b’finanzjament komplementari mill-FEŻR u l-FSE+. L-ammonti rispettivi ttrasferiti mill-FEŻR u mill-FSE + jeħtieġ li jkunu konsistenti mat-tip ta’ operazzjonijiet stipulati fil-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

Raġuni

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa proposta politika li għandha tiżdied biss fuq il-baġit ta’ koeżjoni eżistenti. Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet proposti li jiġu appoġġati mill-JTF (Artikolu 4) fil-prattika diġà jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-Objettivi tal-Politika 1 u 2 permezz tal-FEŻR u l-FSE+.

Emenda 2

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu [4 (1)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li “jippermetti lir-reġjuni u n-nies jindirizzaw l-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima”.

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu [4 (1)] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], il-JTF għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku uniku li “jippermetti lir-reġjuni u n-nies jindirizzaw l-impatti soċjali u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima” skont l-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, l-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u l-miri ta’ tnaqqis tal-2030 .

Raġuni

L-għan tal-fond għandu jirreferi b’mod ċar għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, l-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u l-miri ta’ tnaqqis tal-2030.

Emenda 3

Artikolu 3(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   Il-JTF għandu jappoġġa l-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Istati Membri kollha .

1.   Il-JTF għandu jiffinanzja l-impatt soċjali, soċjoekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni f’reġjuni jew l-attivitajiet affettwati.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 4

Artikolu 4(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   F’konformità mal-paragrafu 1, il-JTF għandu jappoġġa esklussivament l-attivitajiet li ġejjin:

2.   F’konformità mal-paragrafu 1, il-JTF għandu jappoġġa l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

investimenti produttivi fl-SMEs, inklużi negozji ġodda, li jwasslu għal diversifikazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

(a)

investimenti produttivi u sostenibbli fl-SMEs, inklużi negozji ġodda, li jwasslu għal diversifikazzjoni u rikonverżjoni ekonomiċi;

(b)

investimenti fil-ħolqien ta’ ditti ġodda, inkluż permezz ta’ inkubaturi tan-negozju u servizzi ta’ konsulenza;

(b)

investimenti fil-ħolqien ta’ ditti ġodda rilevanti għat-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli , inkluż permezz ta’ inkubaturi tan-negozju u servizzi ta’ konsulenza;

(c)

investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u t-trawwim ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji avvanzati;

(c)

investimenti f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni sostenibbli u t-trawwim ta’ trasferiment ta’ teknoloġiji avvanzati;

(d)

investimenti fl-użu ta’ teknoloġija u infrastrutturi għal enerġija nadifa u affordabbli, fi tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli;

(d)

investimenti fl-użu ta’ teknoloġija u infrastrutturi soċjali għal enerġija nadifa , sikura, sostenibbli u affordabbli, fi tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli;

(e)

investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali;

(e)

investimenti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Artikolu 15.3), id-Direttiva tal-UE 2010/31 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (Artikoli 9 u 11) u d-Direttiva tal-UE 2012/27 dwar l-effiċjenza fl-enerġija (Artikolu 14.4);

(f)

investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti, restawr ta’ art u proġetti ta’ adattament;

(f)

investimenti fid-diġitalizzazzjoni u l-konnettività diġitali;

(g)

investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

( g )

investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti, restawr ta’ art u proġetti ta’ adattament , skont il-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” kif iddefinit fl-Artikolu 2(122) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat ;

(h)

it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ;

( h )

investimenti fit-titjib tal-ekonomija ċirkolari, inkluż permezz tal-prevenzjoni, it-tnaqqis, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

(i)

għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg;

( i )

it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol ;

(j)

l-inklużjoni attiva ta’ min ikun qed ifittxu impjieg;

( j )

għajnuna fit-tiftix għal min ikun qed ifittex impjieg;

(k)

assistenza teknika.

( k )

l-inklużjoni attiva ta’ min ikun qed ifittxu impjieg;

 

( l )

kwalunkwe attività oħra speċifika, kif miftiehma bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti għat-territorju kkonċernat, l-Istat Membru u l-Kummissjoni Ewropea, li hija konformi mal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-UE newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 ;

(m)

assistenza teknika.

Raġuni

Kwalunkwe investiment fil-protezzjoni ambjentali għandu jirrispetta r-regola li l-ispiża tal-miżuri biex jiġi indirizzat it-tniġġis għandha titħallas mill-parti li tkun ikkawżat it-tniġġis.

It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ma għandhomx ikunu ristretti għall-ħaddiema, iżda għandhom jinkludu wkoll it-taħriġ lill-persuni qiegħda, lil dawk li qed ifittxu impjieg, eċċ. għal impjiegi fl-ekonomija ekoloġika.

Għandha tiġi żgurata flessibbiltà akbar fl-għażla ta’ proġġetti appoġġati, jekk jaqblu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-territorju kkonċernat, l-Istat Membru u l-Kummissjoni Ewropea.

Emenda 5

Artikolu 5, punt (a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(a)

id-dekummissjonar jew il-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari;

(a)

id-dekummissjonar tal-kostruzzjoni, jew kwalunkwe forma oħra ta’ investiment fl-impjanti tal-enerġija nukleari;

Raġuni

Evidenti.

Emenda 6

Artikolu 5, punt (d)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(d)

investiment relatat mal-produzzjoni , l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il- ħażin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili;

(d)

investiment relatat mal-estrazzjoni , il-produzzjoni , l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, il- ħażna jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili , inkluż il-ftuħ ta’ minjieri tal-faħam ġodda ;

Raġuni

Il-JTF m’għandhiex tappoġġa l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid ta’ minjieri tal-faħam, iżda din il-limitazzjoni m’għandhiex tiġi estiża għal tipi oħra ta’ minjieri (metall, minerali industrijali, blat ornamentali, eċċ.), li hija attività ekonomika li toħloq impjiegi ta’ kwalità u fit-tul.

Emenda 7

Żid paragrafu ġdid wara l-Artikolu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Ma għandu jingħata l-ebda appoġġ għall-operazzjonijiet fir-reġjun NUTS 3 fejn huwa skedat ftuħ ta’ minjiera ġdida tal-faħam, tal-linjite jew tax-shale bituminuż jew ta’ sit għall-estrazzjoni tal-pit jew ftuħ mill-ġdid ta’ minjiera tal-faħam, tal-linjite jew tax-shale bituminuż dekummissjonata temporanjament matul id-durata tal-programm u abbażi ta’ pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

Raġuni

L-objettiv tal-appoġġ huwa li jgħin fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li teskludi l-ftuħ ta’ minjieri ġodda u/jew ta’ siti għall-estrazzjoni tal-pit u l-ftuħ mill-ġdid ta’ dawk eżistenti.

Emenda 8

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tapprova programm biss fejn l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta’ tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti, tkun debitament iġġustifikata u l-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti jkun konsistenti mal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tapprova programm biss fejn l-identifikazzjoni tat-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta’ tranżizzjoni, inklużi fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti, tkun debitament iġġustifikata u l-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta rilevanti jimpenja ruħu għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, l-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u l-miri ta’ tnaqqis tal-2030 u jkun konsistenti mal-istrateġiji territorjali msemmija fl-Artikolu [23] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid], mal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istat Membru kkonċernat u mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Emenda 9

Artikolu 6(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Il-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri u r-riżorsi trasferiti skont l-Artikolu [21a] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid]. It-total tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ ittrasferit lill-prijorità tal- JTF għandu jkun mill-inqas ugwali għal darba u nofs l-ammont ta’ sostenn mill-JTF għal dik il-prijorità iżda ma għandux jaqbeż tliet darbiet dak l-ammont .

Il-prijorità jew prijoritajiet tal-JTF għandhom jinkludu r-riżorsi tal-JTF li jikkonsistu mill-allokazzjoni sħiħa jew parzjali tal-JTF għall-Istati Membri u r-riżorsi li l-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jiddeċiedu li jittrasferixxu skont l-Artikolu [21a] tar-Regolament (UE) [RDK ġdid]. L-ammont tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ li għandu jiġi trasferit lill- JTF ma għandux jaqbeż darba u nofs l-ammont ta’ sostenn mill-JTF għal dik il-prijorità.

Raġuni

L-Istati Membri għandhom jingħataw flessibbiltà akbar biex jiddeċiedu l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-FEŻR u l-FSE+ għall-JTF. Dan jillimta wkoll id-diżimpenji possibbli fil-każ ta’ kapaċità ta’ assorbiment baxxa fit-territorji l-aktar affettwati.

Emenda 10

Żid subparagrafu ġdid wara l-Artikolu 6(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Il-Kummissjoni għandha tapprova biss it-trasferimenti tar-riżorsi tal-FEŻR u tal-FSE+ għall-prijorità JTF meta l-ammont totali tat-trasferiment ma jkunx jaqbeż 20 % tal-allokazzjoni inizjali tal-FEŻR u tal-FSE+ tal-programm operazzjonali (ikkalkulata għal kull Fond).

Raġuni

Tallinja t-test leġislattiv mal-memorandum ta’ spjegazzjoni.

Emenda 11

Artikolu 7(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.   L-Istati Membri għanhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet rilevanti tat-territorji kkonċernati, pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju wieħed effettwat jew aktar li jikkorrispondu għal-livell 3 tal-klassifika komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (reġjuni “NUTS livell 3 ”) kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 868/2014 jew partijiet minnu, f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness II. Dawn it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-telf mistenni ta’ impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta’ trasformazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni ta’ faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta’ gassijiet serra.

1.   L-Istati Membri għanhom iħejju, flimkien mal-awtoritajiet rilevanti tat-territorji kkonċernati, pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta wieħed jew aktar li jkopru territorju wieħed effettwat jew aktar li jikkorrispondu għal-livell 2 tal-klassifika komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (reġjuni “NUTS livell 2 ”) kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 868/2014 jew partijiet minnu, f’konformità mal-mudell stipulat fl-Anness II. Dawn it-territorji għandhom ikunu dawk l-aktar milquta ħażin fuq il-bażi tal-impatti ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mit-tranżizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-telf mistenni ta’ impjiegi fil-produzzjoni u l-użu tal-fjuwil fossili u l-ħtiġijiet ta’ trasformazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni ta’ faċilitajiet industrijali bl-ogħla intensità ta’ gassijiet serra.

Raġuni

L-effetti konsegwenzjali negattivi tat-tranżizzjoni mhumiex se jkunu limitati għat-territorji fil-livell NUTS 3, iżda x’aktarx se jaffettwaw ukoll it-territorji tal-madwar. Għal din ir-raġuni, u biex tiġi ssemplifikata l-governanza, jidher li huwa aktar xieraq li l-appoġġ jiġi ffukat fil-livell NUTS 2.

Emenda 12

Artikolu 7(2), punt (b) (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(b)

(ġdid) impenn ċar għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta u soċjalment ġusta fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi;

Raġuni

Il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta għandhom jiġu approvati biss jekk ikunu jinkludu impenn ċar għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, kif ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fit-18 ta’ Ottubru 2019.

Emenda 13

Artikolu 7(2), punt (c) (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

(c)

(ġdid) impenn ċar għall-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 u li jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tagħha sal-2030;

Raġuni

Il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta għandhom jiġu approvati biss jekk ikunu jinkludu impenn ċar għall-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 u li jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tagħha sal-2030, kif ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2019.

Emenda 14

Artikolu 7(2), punt (c)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(c)

valutazzjoni tal-isfidi ta’ tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li tidentifika l-għadd potenzjali ta’ impjiegi milquta u t-telf ta’ impjiegi, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ żvilupp li jridu jinkisbu sal-2030 marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta’ attivitajiet b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra f’dawn it-territorji;

(c)

valutazzjoni tal-isfidi ta’ tranżizzjoni ffaċċjati mit-territorji milquta l-aktar ħażin, inkluż l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, li tidentifika l-għadd potenzjali ta’ impjiegi milquta u t-telf ta’ impjiegi, il-ħtiġijiet u l-objettivi ta’ żvilupp li jridu jinkisbu sal-2030 marbuta mat-trasformazzjoni jew l-għeluq ta’ attivitajiet b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet serra f’dawn it-territorji , kif ukoll valutazzjoni tal-effetti konsegwenzjali negattivi tat-tranżizzjoni fuq ir-reġjuni li jmissu magħhom ;

Raġuni

L-effetti konsegwenzjali negattivi kollha possibbli għandhom jiġu vvalutati kif xieraq fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

Emenda 15

Artikolu 7(2), punt (f)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(f)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ governanza li jikkonsistu fl-arranġamenti ta’ sħubija, il-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ppjanati u l-korpi responsabbli;

(f)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmi ta’ governanza li jikkonsistu fl-arranġamenti ta’ sħubija, il-miżuri ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni ppjanati u l-korpi responsabbli , jekk ikunu differenti mill-elementi li diġà ġew deskritti fil-programm kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) [RDK ġdid] ; l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jkunu involuti b’mod sħiħ fl-aspetti kollha ta’ dan;

Raġuni

Bħala miżura ta’ semplifikazzjoni, għandha tiġi pprovduta biss l-informazzjoni li hija differenti mill-elementi li diġà ġew deskritti fil-programm skont il-“Mudell għall-programmi appoġġati mill-FEŻR (il-mira tal-Investiment għall-Impjiegi u t-Tkabbir), mill-FSE+, mill-JTF, mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-FEMS – Artikolu 16(3)” (l-Anness V tal-RDK). Barra minn hekk, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqiesu bħala partijiet interessati integrali f’dan il-proċess.

Emenda 16

Artikolu 7(2), punt (h)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(h)

fejn jingħata appoġġ lil investimenti produttivi lil intrapriżi li mhumiex SMEs, lista eżawrjenti ta’ dawn l-operazzjonijiet u intrapriżi u ġustifikazzjoni tan-neċessità ta’ tali appoġġ permezz ta’ analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta’ impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta’ impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

(h)

fejn jingħata appoġġ lil investimenti produttivi u sostenibbli lil intrapriżi li mhumiex SMEs, ġustifikazzjoni tan-neċessità ta’ tali appoġġ permezz ta’ analiżi tal-lakuni li turi li t-telf mistenni ta’ impjiegi jaqbeż l-għadd mistenni ta’ impjiegi maħluqa fin-nuqqas tal-investiment;

Raġuni

Il-provvista ta’ lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet u intrapriżi (kumpaniji kbar) fil-fażi ta’ programmazzjoni tal-JTF ma tidhirx li hija partikolarment fattibbli, u tista’ twassal għal dewmien mill-bidu nett tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Barra minn hekk, tali approċċ imur direttament kontra l-isforzi ta’ semplifikazzjoni, li r-riżultat tiegħu kien, fost affarijiet oħra, li jiġu abbandunati proċeduri separati applikabbli għal proġetti kbar skont l-Artikoli 100-103 tal-RDK attwali.

Emenda 17

Artikolu 7(2), punt (i)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(i)

fejn jingħata appoġġ lill-investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati u ġustifikazzjoni li dawn jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jmorru ħafna taħt l-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE u sakemm ikunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi;

(i)

fejn jingħata appoġġ lill-investimenti biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE, ġustifikazzjoni li l-operazzonijiet li għandhom jiġu appoġġati jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jmorru ħafna taħt l-parametri referenzjarji rilevanti stabbiliti għall-allokazzjoni bla ħlas skont id-Direttiva 2003/87/KE u sakemm ikunu meħtieġa għall-protezzjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ impjiegi;

Raġuni

Il-provvediment ta’ lista eżawrjenti ta’ operazzjonijiet fil-fażi ta’ programmazzjoni tal-JTF ma jidhirx li huwa partikolarment fattibbli, u jista’ jwassal għal dewmien mill-bidu nett tal-perjodu ta’ programmazzjoni.

Emenda 18

Artikolu 8a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Artikolu 8a.

1.     Għandha tiġi stabbilita Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Pjattaforma”), taħt is-superviżjoni u l-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex ikunu jistgħu jsiru skambji bilaterali u multilaterali ta’ esperjenza dwar it-tagħlimiet miksuba u l-aħjar prattiki fost is-setturi kollha affettwati.

2.     Il-Pjattaforma għandha tkun magħmula minn żewġ linji:

(a)

gruppi ta’ ħidma tekniċi, li jindirizzaw sfidi konkreti fir-reġjuni kkonċernati, u li jiffaċilitaw skambji tal-esperjenza u l-aħjar prattiki dwar it-tħejjija ta’ pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta u operazzjonijiet individwali. Il-gruppi ta’ ħidma tekniċi, li għandhom jinkludu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet operattivi tal-JTF, filwaqt li titqies il-kopertura settorjali tal-operazzjonijiet appoġġati.

Il-gruppi ta’ ħidma tekniċi għandhom jikkooperaw mill-qrib maċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU li ġie stabbilit skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) [programm InvestEU ġdid] u mas-servizzi rilevanti tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom l-għarfien tekniku u prattiku meħtieġ biex jaċċessaw il-finanzjament disponibbli permezz tal-programm InvestEU kif ukoll permezz tal-BEI.

(b)

Forum Annwali tar-Reġjuni ta’ Tranżizzjoni Ġusta (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Forum”), organizzat b’mod konġunt mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Il-Forum għandu jippermetti l-koordinazzjoni tal-orjentazzjonijiet tal-politika u t-traspożizzjoni tagħhom f’attivitajiet operazzjonali tal-gruppi ta’ ħidma tekniċi.

3.     Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati dwar il-mekkaniżmi ta’ governanza, is-sħubija, l-operazzjoni u l-baġit tal-Pjattaforma. Għandha tiġi żgurata parteċipazzjoni bbilanċjata tal-livelli kollha ta’ gvern.

4.     L-ispejjeż operazzjonali tal-Pjattaforma għandhom jiġu koperti mir-riżorsi ta’ għajnuna teknika skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2).

Raġuni

Għandhom jiżdiedu dispożizzjonijiet prattiċi dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta biex tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar l-objettivi u l-operat tagħha.

Emenda 19

Artikolu 10(4)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru u twettaq konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi

COM(2020) 23 final

Emenda 20

Artikolu 21a (1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-ammont ta’ riżorsi disponibbli għall-JTF taħt l-għan tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir b’konformità mal-Artikolu [3] tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-JTF], għandu jiġi kkumplimentat bir-riżorsi mill-FEŻR, mill-FSE+ jew minn riżorsi mit-tnejn li huma, tal-kategorija tar-reġjuni fejn ikun jinsab it-territorju kkonċernat. L-ammont totali tar-riżorsi mill-FEŻR u mill-FSE+ li jiġi ttrasferit lejn il-JTF għandu jkun tal-anqas darba u nofs daqs l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF, iżda ma għandux jaqbeż tliet darbiet l-ammont ta’ dak l-appoġġ. Ir-riżorsi ttrasferiti mill-FEŻR jew mill-FSE+ fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu l-20 % tal-allokazzjoni rispettiva mill-FEŻR u mill-FSE+ lill-Istat Membru kkonċernat. (…)

L-ammont ta’ riżorsi disponibbli għall-JTF taħt l-għan tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir b’konformità mal-Artikolu [3] tar-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-JTF], għandu jiġi kkumplimentat bir-riżorsi mill-FEŻR, mill-FSE+ jew minn riżorsi mit-tnejn li huma, tal-kategorija tar-reġjuni fejn ikun jinsab it-territorju kkonċernat , permezz ta’ trasferiment volontarju . L-ammont totali tar-riżorsi mill-FEŻR u mill-FSE+ li jiġi ttrasferit lejn il-JTF għandu jkun tal-anqas nofs l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF, iżda ma għandux jaqbeż darba u nofs l-ammont ta’ dak l-appoġġ. Ir-riżorsi ttrasferiti mill-FEŻR jew mill-FSE+ fl-ebda każ ma għandhom jaqbżu l-20 % tal-allokazzjoni rispettiva mill-FEŻR u mill-FSE+ lill-Istat Membru kkonċernat. (…)

Raġuni

L-Istati Membri għandhom jingħataw flessibbiltà akbar biex jiddeċiedu l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-FEŻR u l-FSE+ għall-JTF. Dan jillimita wkoll id-diżimpenji possibbli fil-każ ta’ kapaċità ta’ assorbiment baxxa fit-territorji l-aktar affettwati.

Emenda 21

Artikolu 59(3a) (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

3a.     L-operazzjonijiet appoġġati mill-JTF skont ir-Regolament (UE) [ir-Regolament dwar il-JTF] għandhom jagħtu lura l-appoġġ mill-JTF jekk, fi żmien għaxar snin mill-pagament finali lill-Istat Membru li jkun irċieva l-appoġġ, tkun infetħet minjiera ġdida tal-faħam, tal-linjite, jew tax-shale bituminuż jew sit għall-estrazzjoni tal-pit jew terġa’ tinfetaħ minjiera tal-faħam, tal-linjite jew tax-shale bituminuż jew sit għall-estrazzjoni tal-pit iddekummissjonata temporanjament fit-territorju fejn ikun intuża l-appoġġ mill-JTF.

Raġuni

L-objettiv tal-appoġġ huwa li jgħin lir-reġjuni fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li teskludi l-ftuħ ta’ minjieri ġodda u/jew ta’ siti għall-estrazzjoni tal-pit u l-ftuħ mill-ġdid ta’ dawk li jkunu temporanjament dekummissjonati.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-istabbiliment tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li se jkun għodda ewlenija biex jappoġġa lir-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika;

2.

jilqa’ l-fatt li l-proposta għall-Fond għal Tranizzjoni Ġusta qieset ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-KtR stabbiliti fl-Opinjoni tiegħu dwar il-bidla strutturali soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa (1);

3.

jilqa’ l-fatt li l-fond se jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri kollha, iżda xorta se jkun immirat biss lejn ir-reġjuni affettwati l-aktar. Barra minn hekk, għall-konċentrazzjoni u għall-effikaċja xierqa tal-Fond, kif ukoll għall-istabbiliment tal-intensità minima tal-għajnuna, għandha titqies biss il-popolazzjoni tar-reġjuni kkonċernati;

4.

jilqa’ l-proposta ta’ EUR 11 270 459 000 ta’ approprjazzjonijiet (fi prezzijiet attwali) għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 u ta’ EUR 32 803 000 000 (fi prezzijiet attwali) addizzjonali mill-Istrument ta’ Rkupru Ewropew bħala spinta massiva biex jintlaħaq l-objettiv tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta; jinnota bi tħassib li ċ-ċifri espressi fi prezzijiet attwali jistgħu jwasslu għal inqas trasparenza u komparabilità tal-allokazzjonijiet bejn l-intestaturi tal-QFP; jistieden lill-Kunsill jinkludi dan bħala approprjazzjonijiet reali u addizzjonali fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027;

5.

jinnota bi tħassib li r-riżorsi addizzjonali ffinanzjati taħt l-Istrument ta’ Rkupru Ewropew, li jwasslu għal impenji addizzjonali fis-snin 2021-2024, se jagħmlu pressjoni estrema biex l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-benefiċjarji finali jħejju, jimplimentaw u jonfqu kważi 75 % tal-allokazzjoni totali fl-ewwel erba’ snin tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid;

6.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex takkumpanja t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, sensittiva għall-klima u sostenibbli ekoloġikament sal-2050 b’miżuri mmirati u biex tappoġġa l-aktar żoni affettwati mit-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika b’mod speċjali u b’riżorsi addizzjonali; jenfasizza li dawn il-fondi addizzjonali ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jittieħdu mill-baġit tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li baġit b’saħħtu għall-politika ta’ koeżjoni għandu jibqa’ l-prijorità ewlenija għall-appoġġ tal-azzjoni klimatika fil-livell territorjali;

7.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tqiegħed il-Fond ġdid għal Tranżizzjoni Ġusta taħt l-Intestatura 2 (Koeżjoni u Valuri) tal-QFP 2021-2027 minflok l-Intestatura 3 (Riżorsi Naturali u Ambjent), u jtenni li jiċħad it-tnaqqis previst fil-politika ta’ koeżjoni; ifakkar fl-appell tal-KtR li l-kofinanzjament nazzjonali tal-FSIE kollu huwa eskluż mill-kalkoli dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; iqis li l-istess għandu jkun applikabbli għall-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta;

8.

jenfasizza d-diffikultajiet partikolari għar-reġjuni b’dipendenza għolja fuq il-fjuwils fossili b’sistemi tal-enerġija iżolati, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda; jenfasizza li l-iżvilupp tat-taħlita tal-enerġija, fir-rigward tat-territorju, l-ilma, l-iskart u l-enerġija huwa l-muftieħ għall-istrateġija tal-enerġija tagħha lejn ekonomija newtrali fil-karbonju;

9.

jieħu nota tal-istima aġġustata tal-Kummissjoni Ewropea li t-tliet pilastri tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jwasslu għal investiment ta’ EUR 150 biljun sal-2030. Madankollu, il-KtR jinsab imħasseb dwar ir-rata ta’ ingranaġġ mistennija u l-fattibbiltà tal-investimenti privati għal xi wħud mill-proġetti possibbli;

10.

jitlob li ma jingħata l-ebda appoġġ mill-JTF jew il-JTM għal investimenti f’reġjuni NUTS-3 fejn ingħatat awtorizzazzjoni pubblika għall-ftuħ ta’ minjieri ġodda tal-faħam, tal-linjite jew taż-żejt tax-shale jew ta’ għalqa ta’ estrazzjoni tal-pit jew il-ftuħ mill-ġdid ta’ minjieri li kienu dekummissjonati temporanjament tal-faħam, tal-linjite jew taż-żejt tax-shale jew ta’ għalqa ta’ estrazzjoni tal-pit;

11.

jilqa’ l-fatt li l-ħlas ta’ self tas-settur pubbliku għandu jkun limitat għal proġetti li jkollhom impatt li jista’ jitkejjel fl-indirizzar ta’ sfidi soċjali, ekonomiċi jew ambjentali wara t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima;

12.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu wkoll li jiffinanzjaw proġetti fil-proċess lejn ekonomija newtrali għall-klima, li ma jiġġenerawx biżżejjed fluss ta’ dħul proprju u li għalihom ma jingħatawx appoġġ taħt kwalunkwe programm ieħor tal-Unjoni; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-proposta għal regolament dwar il-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku taħt il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta li tappoġġa lill-entitajiet tas-settur pubbliku fil-ħtiġijiet ta’ investiment tagħhom li jirriżultaw mill-isfidi ta’ tranżizzjoni deskritti fil-pjani għal tranżizzjoni ġusta;

13.

jinnota li tvarja l-esperjenza u l-użu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE tal-mekkaniżmi finanzjarji tal-BEI; għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pilastru 3 tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-Istati Membri rispettivi jipprovdu biżżejjed għajnuna prattika u teknika lil dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jużaw il-mekkaniżmi finanzjarji rispettivi tal-BEI;

14.

jieħu nota tal-allinjament tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-FEŻR u l-FSE+, peress li l-maġġoranza tal-attivitajiet appoġġati mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll fi ħdan l-objettivi skont l-FEŻR u l-FSE+;

15.

jinsab imħasseb dwar id-dewmien li l-JTF jista’ jikkawża lill-implimentazzjoni tal-programmi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni; jinsab imħasseb ukoll dwar il-kumplessità u l-burokrazija li l-ġestjoni ta’ dan il-fond ġdid tista’ toħloq għall-ġestjoni tal-programmi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni;

16.

jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi programmi fil-livell NUTS 3 minflok NUTS 2, li huwa l-livell li fih jiġu implimentati l-programmi ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni. Din il-proposta tmur kontra l-kunċett ta’ żoni funzjonali, li mhux neċessarjament huma identiċi għaż-żoni amministrattivi ta’ NUTS 3. Il-KtR jenfasizza li għandu jkun meħtieġ biss pjan territorjali korrispondenti wieħed fil-livell NUTS 2;

17.

jappella li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex, bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jinkludu proġetti eliġibbli addizzjonali fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tagħhom. Jitlob, barra minn hekk, li l-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, jitqies bħala indikatur ewlieni fit-tqassim tar-riżorsi allokati għall-Fond;

18.

jappella biex il-partijiet interessati lokali u reġonali jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, minħabba li l-ġestjoni tal-JTF se tiġi kondiviża u r-riżorsi tal-FEŻR u tal-FSE+ huma marbuta mill-qrib mal-appoġġ tal-JTF;

19.

jappella lill-Kummissjoni biex tagħti aktar gwida dwar kif beħsiebha tassisti lill-awtoritajiet maniġerjali u lir-reġjuni biex jabbozzaw il-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tagħhom, minħabba li l-proposta għar-regolament dwar il-JTF, inklużi l-annessi tiegħu, xorta jistgħu jkunu soġġetti għal modifiki sostanzjali. Il-KtR iwissi kontra dewmien addizzjonali fit-tħejjija ta’ dawk il-programmi fejn l-appoġġ tal-JTF ikun jiddependi fuq l-appoġġ tal-FEŻR u l-FSE+ minħabba l-obbligu li jiġu approvati l-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta;

20.

jenfasizza li t-territorji affettwati ma għandhomx jipprovdu listi eżawrjenti fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tagħhom ta’ kumpaniji u/jew operazzjonijiet potenzjali li jistgħu jagħtuhom appoġġ, peress li dan jista’ jikkawża dewmien fl-adozzjoni tagħhom u jista’ jwassal għal piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq l-awtoritajiet maniġerjali. Il-KtR jirrimarka f’dan ir-rigward li ġiet eliminata proċedura separata għall-adozzjoni ta’ proġetti ewlenin mill-proposta tal-Kummissjoni għall-RDK ġdid, u li tali lista ta’ benefiċjarji u/jew operazzjonijiet tista’ terġa’ treġġa’ dan lura;

21.

jappella li t-trasferimenti għall-JTF jiġu limitati sa 20 % mill-allokazzjonijiet inizjali tal-FEŻR u tal-FSE+ tal-programm operazzjonali. Il-KtR jissuġġerixxi li l-awtoritajiet maniġerjali jingħataw aktar flessibbiltà billi jsiru trasferimenti fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 6(2) tal-abbozz ta’ regolament b’ammont massimu ta’ mhux aktar minn 1,5 darbiet l-ammont ta’ appoġġ mill-JTF u bil-kunsens biss tal-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti;

22.

jenfasizza l-importanza li jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa billi tiġi prevista b’mod ċar valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-iskema ta’ programmazzjoni u monitoraġġ għall-JTF;

23.

jinnota li l-prijoritajiet ta’ investiment għall-JTF se jiġu deskritti fir-Rapporti tal-Pajjiżi rispettivi, li jiffurmaw parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li r-reġjuni għadhom mhumiex formalment assoċjati mal-proċess u jemmen li jeħtieġ li jiġi assenjat rwol aktar b’saħħtu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-JTF;

24.

jilqa’ l-fatt li r-Regolament jiddefinixxi elementi speċifiċi li jeħtieġ li jiġu inklużi fil-pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta. Il-KtR jistieden lill-awtorità leġislattiva żżid ma’ dawk l-elementi impenn ċar għall-għanijiet tal-ftehim ta’ Pariġi, għall-għan tal-UE biex tinkiseb newtralità klimatika sal-2050 u għall-miri ta’ tnaqqis tagħha għall-2030;

25.

jirrimarka li l-Pjattaforma għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni inizjalment inħolqot bħala pjattaforma li tiffoka fuq ir-reġjuni ta’ estrazzjoni tal-faħam, fejn l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-faħam kienu għadhom għaddejjin, u li l-pjan kien li fit-tieni stadju, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva jiġi estiż għar-reġjuni kollha li jagħmlu użu intensiv mill-karbonju. Il-KtR jenfasizza li r-reġjuni li qed jiffaċċjaw it-tranżizzjoni jeħtieġ li jindirizzaw ostakli simili, u li l-pjattaforma ġdida għandha għalhekk tipprovdi servizzi ta’ konsulenza, tassisti lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u lill-benefiċjarji bl-ideat tal-proġetti tagħhom u l-implimentazzjoni prattika fuq il-post, u sservi wkoll bħala skambju ta’ prattiki tajba;

26.

jilqa’ f’dan ir-rigward il-ħolqien tal-Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta, li għandha tinbena fuq l-esperjenzi pożittivi mar-reġjuni intensivi fl-użu tal-karbonju, u reġjuni oħrajn li rnexxielhom iwettqu t-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għal sorsi ta’ enerġija nadifa. Il-KtR jenfasizza li din il-pjattaforma għandha tiżgura li s-servizzi kollha rilevanti tal-Kummissjoni u l-BEI jaħdmu flimkien mill-qrib biex jindirizzaw il-bidla strutturali fir-reġjuni affettwati. Il-KtR iwiegħed li se jinvolvi ruħu mill-qrib fl-operat tal-Pjattaforma ta’ Tranżizzjoni Ġusta, b’mod partikolari billi jorganizza b’mod konġunt Forum Annwali ta’ Reġjuni ta’ Tranżizzjoni Ġusta mal-Kummissjoni Ewropea;

27.

jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jeħtieġ li jippermettu flessibbiltà meta r-reġjuni eliġibbli fit-tranżizzjoni jkunu jixtiequ jattiraw investiment privat. Il-KtR itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis ukoll, meta tfassal linji gwida ġodda, il-problemi marbuta mal-bidla strutturali fir-reġjuni affettwati u biex tiżgura li dawk ir-reġjuni jkollhom biżżejjed flessibbiltà biex jippermettulhom jimplimentaw il-proġetti tagħhom b’mod soċjalment u ekonomikament vijabbli;

28.

jenfasizza li l-appoġġ permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għal investimenti produttivi f’intrapriżi li mhumiex SMEs ma għandux ikun limitat għal dawk iż-żoni li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-TFUE skont ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat. Minflok, il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tippermetti liż-żoni kollha li jibbenefikaw mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jiġġieldu t-theddida tat-telf ta’ impjiegi b’mod effettiv fi stadju bikri. Dan għandu jiġi żgurat ukoll billi r-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jiġi adattat kif xieraq;

29.

jenfasizza li ż-żoni affettwati l-aktar mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima għandhom jingħataw l-opportunita li jiġġieldu b’mod attiv il-bidla strutturali assoċjata kmieni kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jappoġġa l-fatt li l-aġġustamenti futuri fil-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, pereżempju permezz ta’ linja gwida ġdida mill-Kummissjoni Ewropea bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) jew (c) tat-TFUE, għandhom jiżguraw li l-għajnuna tkun permessa irrispettivament mill-istatus taż-żona assistita skont ir-regoli eżistenti;

30.

jirrikonoxxi r-rwol ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti bħala waħda mill-għodod ewlenin ta’ twettiq għall-JTF ġdid;

31.

jenfasizza li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni wettaq kwestjonarju biex janalizza l-bidliet meħtieġa għar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa (2); jenfasizza li l-konklużjonijiet enfasizzaw li l-proċess ta’ tranżizzjoni għandu jkun appoġġat minn għajnuna mill-Istat sabiex jiġu attirati kumpaniji li jistgħu jpaċu telf ta’ impjiegi u telf fil-ħolqien tal-valur u li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jippermettu aktar flessibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, l-investiment relatat mal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

32.

jilqa’ l-fatt li l-proposta leġislattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 175 li huwa ffukat fuq il-koeżjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jqis li l-proposta tiddeskrivi b’mod ċar il-valur miżjud Ewropew tagħha u hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bidla strutturali soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 58).

(2)  https://cor.europa.eu/mt/news/Pages/report-coal.aspx