ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293A |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 63 |
Werrej |
Paġna |
|
|
V Avviżi |
|
|
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI |
|
|
Europol |
|
2020/C 293 A/01 |
Avviż ta’ pożizzjoni vakanti Europol/2020/TA/AD14/424 — Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Europol |
MT |
|
V Avviżi
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
Europol
4.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 293/1 |
Avviż ta’ pożizzjoni vakanti Europol/2020/TA/AD14/424
Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Europol
(2020/C 293 A/01)
1. DWAR L-EUROPOL
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) hija Aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE) li tinsab fl-Aja, in-Netherlands. L-Europol ġiet stabbilita fl-1995 minn Konvenzjoni skont l-Artikolu K tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u ġiet stabbilita bħala entità tal-Unjoni fl-2009 mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (1). Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi lill-Europol bħala Aġenzija tal-UE.
L-objettiv tal-Europol huwa li tappoġġja u ssaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li taffettwa lil żewġ Stati Membri jew iktar, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità li jaffettwaw interess komuni kopert minn politika tal-Unjoni.
Sabiex jirnexxielha f’din il-missjoni, bħalissa l-Europol timpjega 801 membru tal-persunal u għandha baġit ta’ EUR 165 miljun għas-sena 2020. L-Europol tospita komunità kbira ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament għall-infurzar tal-liġi mill-Istati Membri tal-UE u minn Pajjiżi Terzi fil-bini tagħha, li huma parti integrali tal-ambjent tax-xogħol dinamiku tal-Europol.
Il-kompiti ewlenin tal-Europol huma:
— |
li tiġbor, taħżen, tipproċessa, tanalizza u tiskambja informazzjoni, inkluż intelliġenza kriminali; |
— |
li tinnotifika lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar kwalunkwe informazzjoni u konnessjoni bejn offiżi kriminali li jikkonċernawhom; |
— |
li tappoġġja attivitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni transkonfinali, operazzjonijiet u investigazzjonijiet tal-Istati Membri, kif ukoll skwadri ta’ investigazzjoni konġunta, inkluż billi tipprovdi appoġġ operattiv, tekniku u finanzjarju; |
— |
li tikkoordina, torganizza u timplimenta azzjonijiet investigattivi u operattivi sabiex tappoġġja u ssaħħaħ l-azzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; |
— |
li tipprovdi informazzjoni u appoġġ analitiku lill-Istati Membri f’konnessjoni ma’ avvenimenti internazzjonali ewlenin; |
— |
li tħejji valutazzjonijiet ta’ theddid, analiżi strateġika u operazzjonali u rapporti tas-sitwazzjoni ġenerali; |
— |
li tiżviluppa, tikkondividi u tippromwovi għarfien speċjalizzat ta’ metodi għall-prevenzjoni tal-kriminalità, proċeduri investigattivi u metodi tekniċi u forensiċi, u li tipprovdi pariri lill-Istati Membri; |
— |
li tipprovdi taħriġ speċjalizzat u li tassisti lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni tat-taħriġ, inkluż bl-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tagħha u skont ir-riżorsi tal-persunal u tal-baġit disponibbli għaliha f’koordinazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL); |
— |
li tikkoopera mal-korpi rilevanti tal-Unjoni u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), b’mod partikolari permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u billi tipprovdilhom appoġġ analitiku fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħhom; |
— |
li tipprovdi informazzjoni u appoġġ lil strutturi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE u missjonijiet stabbiliti abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol; |
— |
li tiżviluppa ċentri tal-Unjoni ta’ għarfien speċjalizzat biex tiġġieled ċerti tipi ta’ kriminalità li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tal-Europol; |
— |
li tappoġġja azzjonijiet tal-Istati Membri li jipprevjenu u jiġġieldu forom ta’ kriminalità li jiġu ffaċilitati, jiġu promossi jew jitwettqu bl-użu tal-Internet, inkluż f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ir-riferimenti għall-kontenut fuq l-Internet. |
Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, l-Europol taħdem mill-qrib flimkien ma’ Aġenziji oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-Frontex, il-Eurojust, is-CEPOL, l-EMCDDA u l-ENISA. L-INTERPOL hija wkoll sieħeb importanti fil-kooperazzjoni.
Opportunità indaqs
L-Europol hija impjegatur ta’ opportunitajiet indaqs u tinkoraġġixxi applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni abbażi ta’ sess, kulur, razza, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, nazzjonalità, età, orjentazzjoni sesswali jew identità sesswali.
Aħna għandha l-għan li noħolqu u nżommu ambjent tax-xogħol b’saħħtu u attraenti li jappoġġja lill-kollegi tagħna fl-ippjanar tal-karriera tagħhom u biex jiksbu bilanċ b’saħħtu bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata.
L-impjieg fil-Europol huwa miftuħ għal ċittadini tal-Istati Membri tal-UE. M’hemm l-ebda sistema ta’ kwota abbażi tan-nazzjonalità fis-seħħ, iżda l-Europol qiegħda tirsisti li jkollha firxa wiesgħa ta’ nazzjonalitajiet sabiex ikollha distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata sew fost il-membri tal-persunal tagħha.
2. SFOND, SKOP EWLIENI U KOMPITI TAL-KARIGA
Id-Direttorat tal-Operazzjonijiet jittratta n-negozju ewlieni tal-Europol, itejjeb l-effikaċja u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, kif ukoll it-terroriżmu li jaffettwa lill-Istati Membri. Dan jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib maż-żewġ Direttorati tal-Europol l-oħra — Governanza u Kapaċitajiet, l-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Europol, kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti (direttorati u entitajiet operattivi) fl-Istati Membri.
L-Europol tipprovdi għadd ta’ prodotti u servizzi lill-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi biex tappoġġjahom fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata, kif ukoll it-terroriżmu.
Taħt l-istruttura organizzattiva tal-Europol, id-Direttorat tal-Operazzjonijiet jospita ħames Dipartimenti distinti: Iċ-Ċentru Operattiv u ta’ Analiżi, iċ-Ċentru Ewropew tal-Kriminalità Organizzata Serja, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika;
Responsabbiltajiet ġenerali għal min jokkupa l-kariga
Taħt is-superviżjoni tad-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Diretturi Eżekuttivi għandhom imexxu d-Direttorat rispettiv tagħhom u se jkunu, skont l-Artikoli 54 u 55 tar-Regolament tal-Europol, responsabbli għal:
— |
li jappoġġjaw u jassistu lid-Direttur Eżekuttiv u l-Bord ta’ Amministrazzjoni fl-iżvilupp strateġiku tal-Europol billi jagħtu pariri u jipprovdu għarfien espert fil-qasam tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom; |
— |
li jgħinu fit-tħejjija ta’ laqgħat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu; |
— |
li jgħinu fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-programmar pluriennali u l-programm ta’ ħidma annwali fi ħdan id-Direttorati rispettivi tagħhom u jirrappurtaw lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord ta’ Amministrazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom; |
— |
li jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jittieħdu matul il-laqgħat tad-Direttorat fil-livell tad-Direttorat; |
— |
li jimmonitorjaw l-ippjanar kummerċjali u l-immaniġġjar tal-prestazzjoni fi ħdan id-Direttorat; |
— |
li jamministraw id-Direttorat, inkluż permezz tal-immaniġġjar tal-persunal u l-baġits skont ir-regoli u regolamenti rilevanti; |
— |
li jipprovdu tmexxija u direzzjoni lill-persunal tagħhom fit-twettiq tal-kompiti u l-objettivi li jiġu assenjati lilhom; |
— |
jippromwovu kooperazzjoni b’saħħitha bejn id-Direttorati; |
— |
li jżommu rabtiet strateġiċi fl-oqsma speċifiċi tal-kriminalità fil-livell tad-Direttorat mal-imsieħba esterni u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti; |
— |
jippreżentaw il-kisbiet tal-Europol fil-midja u jirrappreżentaw lill-Europol f’laqgħat esterni u interni u f’konferenzi, skont il-ħtieġa; |
— |
iwettqu kwalunkwe kompitu ieħor assenjat lilhom mid-Direttur Eżekuttiv. |
Responsabbiltajiet speċifiċi għal min jokkupa l-kariga
Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tad-Direttur Eżekuttiv li jiddefinixxi funzjonijiet u dmirijiet speċifiċi assenjati għall-kariga, il-Viċi Direttur Eżekuttiv, se jkun responsabbli, fost l-oħrajn, għal li:
— |
jmexxi il-kapaċitajiet ta’ appoġġ operattiv tal-Europol f’konformità mal-interessi u r-rekwiżiti tal-Istati Membri tagħha; |
— |
jagħti tmexxija u direzzjoni lid-Direttorat tal-Operazzjonijiet, inkluż l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u t-twassil ta’ politiki u objettivi; |
— |
jissorvelja l-ħidma tad-Dipartimenti li ġejjin: iċ-Ċentru Operattiv ta’ Analiżi, iċ-Ċentru Ewropew tal-Kriminalità Organizzata Serja, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika; |
— |
jippjana, jidderieġi u jikkoordina l-użu tar-riżorsi tal-Organizzazzjoni fit-twettiq tal-attivitajiet tad-Direttorat tal-Operazzjonijiet, jimmassimizza l-effettività, iżid l-effiċjenza u jiżgura l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi tad-Direttorat; |
— |
jiżgura l-allinjament tal-istrateġiji operattivi speċifiċi mal-Istrateġija komprensiva tal-Europol. |
3. REKWIŻITI – KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
a. |
Il-kandidati jridu |
— |
Ikunu membru ta’ awtorità kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Europol u ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jgawdi d-drittijiet sħaħ ta’ ċittadin. |
— |
Ikunu ssodisfaw kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet applikabbli dwar is-servizz militari. |
— |
Jipproduċu r-referenzi xierqa dwar il-karattru dwar l-adegwatezza tagħhom għat-twettiq tad-dmirijiet. |
— |
Ikunu fiżikament b’saħħithom biex iwettqu d-dmirijiet relatati mal-kariga (qabel jiġi konkluż il-kuntratt ta’ impjieg rilevanti, il-kandidat li jintgħażel se jiġi eżaminat medikament minn wieħed mill-uffiċjali mediċi tal-istituzzjoni sabiex l-istituzzjoni tkun tista’ tkun sodisfatta li l-kandidat jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 12(2)(d) tas-CEOS). |
— |
Jipproduċu evidenza ta’ għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet. |
b. |
Il-kandidati jrid ikollhom |
— |
Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar; JEW |
— |
Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adatta ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ tliet snin. |
Flimkien ma’ dan ta’ hawn fuq, tal-inqas 15-il sena ta’ esperjenza tax-xogħol professjonali miksuba wara l-għoti tad-diploma.
4. REKWIŻITI – KRITERJI TA’ GĦAŻLA
a. |
Esperjenza professjonali |
Essenzjali
— |
Mill-inqas 10 snin esperjenza maniġerjali, miksuba fil-qasam tal-infurzar tal-liġi nazzjonali biss jew parzjalment tinkludi esperjenza f’ambjent tal-UE/internazzjonali. |
— |
Esperjenza fl-ippjanar strateġiku f’livell ta’ maniġment superjuri, miksuba f’kuntest tal-UE/internazzjonali. |
— |
Esperjenza ta’ ħidma fuq livell strateġiku f’organizzazzjoni tal-infurzar tal-liġi, preferibbilment awtorità tal-pulizija. |
— |
Esperjenza fit-tmexxija u s-sorveljanza, fil-livell nazzjonali, tal-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet fuq skala kbira u ta’ operazzjonijiet ewlenin ta’ livell għoli fi kwalunkwe qasam relatat mal-mandat tal-Europol, preferibbilment rigward il-kriminalità organizzata u/jew it-terroriżmu. |
— |
Esperjenza fil-kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali kemm fil-livell operattiv kif ukoll f’dak strateġiku. |
— |
Esperjenza fil-valutazzjoni tar-rilevanza operattiva tal-iżviluppi li għaddejjin u dawk potenzjali għall-infurzar tal-liġi, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-partijiet interessati rilevanti kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f’dak ta’ tfassil ta’ politika. |
Mixtieqa
— |
Esperjenza ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE, kif ukoll ma’ strumenti u politiki tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, speċifikament meta marbuta mal-mandat tal-Europol. |
b. |
Għarfien professjonali |
Essenzjali
— |
Fehim tajjeb ħafna ta’ kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali f’livell ta’ maniġment superjuri. |
— |
Fehim sod tat-theddida għall-Unjoni Ewropea mill-kriminalità organizzata serja, iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu, kif ukoll tal-istrumenti u t-tekniki biex dawn jiġu miġġielda b’mod effettiv. |
c. |
Ħiliet u kompetenzi ta’ tmexxija |
— |
Żvilupp ta’ viżjoni u strateġija – żvilupp ta’ missjoni, viżjoni u strateġija konvinċenti li għandha impatt f’nofs terminu u fit-tul u li tista’ tinftiehem u tiġi aċċettata mill-persunal bħala waħda importanti għax-xogħol tagħhom ta’ kuljum. |
— |
Xprunar ta’ prestazzjoni – implimentazzjoni b’mod proattiv u enerġetiku tal-missjoni, tal-viżjoni u tal-istrateġija tal-Europol b’tali mod li l-Europol tissodisfa l-objettivi organizzattivi tagħha. |
— |
Intrapriża – l-identifikazzjoni u r-rikonoxximent ta’ opportunitajiet għall-innovazzjoni li jsaħħu r-rilevanza tal-Europol bħala attur ewlieni fil-qasam tiegħu. |
— |
Networking – stabbiliment ta’ relazzjonijiet effettivi fi ħdan il-Europol u l-bini ta’ alleanzi strateġiċi mal-ambjent estern. |
— |
Ġestjoni tan-negozju – wirja ta’ fehim fil-fond tan-negozju u t-teħid tal-impenn sabiex jaġixxi fuq dan l-għarfien biex jiżgura eċċellenza operattiva. |
— |
Ispirazzjoni tan-nies – ispirazzjoni ta’ motivazzjoni fit-tul u lealtà organizzattiva billi jaġixxi bħala mudell u billi jikkonforma mal-missjoni u l-valuri tal-organizzazzjoni. |
d. |
Ħiliet ġenerali ta’ ġestjoni |
— |
Il-kapaċità li jistabbilixxu u jirrevedu l-objettivi għad-Direttorat fi ħdan il-qafas strateġiku ġenerali u l-prijoritajiet tal-Aġenzija. |
— |
Il-kapaċità li jiddeterminaw u jiffokaw fuq il-prijoritajiet u li josservaw u jevalwaw il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti mid-Direttorat u mill-Unità/membri tat-tim, b’kooperazzjoni mal-membri tat-tim. |
— |
Il-kapaċità li jorganizzaw, jassenjaw u jamministraw il-ħidma tad-Direttorat billi jistabbilixxi objettivi ta’ sfida iżda realistiċi. |
— |
Il-kapaċità li jagħtu s-setgħa lill-persunal filwaqt li jiżguraw li jifhmu x’inhu mistenni minnhom u kif ix-xogħol tagħhom jikkontribwixxi għall-objettivi tad-Direttorat. |
— |
Il-kapaċità li jagħżlu l-koħaddiema u li jibnu timijiet b’saħħithom b’ħiliet kumplementari adatti biex jintlaħqu b’mod effiċjenti l-objettivi tad-Direttorat. |
— |
Il-kapaċità li jimmotivaw lill-membri tat-tim biex jiksbu r-riżultati mixtieqa u wkoll li jipprovdu rispons regolari, jirrikonoxxu s-suċċess u l-ħtieġa għal titjib sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi u l-akbar potenzjal tagħhom. |
— |
Il-kapaċità li jiżviluppaw u jappoġġjaw l-iżvilupp tal-karriera u l-opportunitajiet ta’ tagħlim għall-persunal. |
Ħiliet ta’ komunikazzjoni
— |
Il-kapaċità li jikkomunikaw b’mod ċar u li jippreżentaw suġġetti kumplessi b’mod sempliċi, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, inkluż lill-persunal. |
— |
Il-kapaċità li jitolbu inputs mingħand u li jisimgħu lill-persunal, lis-sħab, u lill-partijiet ikkonċernati. |
Ħiliet interpersonali
— |
Il-kapaċità li jittrattaw lin-nies b’mod effettiv, b’rispett u b’korteżija. |
— |
Il-kapaċità li jibnu relazzjonijiet ta’ ħidma produttivi u kooperattivi mal-ġerarkija u ma’ Direttorati u kollegi oħra. |
Ħiliet ta’ negozjar
— |
Il-kapaċità li jmexxu diskussjonijiet u li jiġġeneraw l-aqwa riżultati possibbli mingħajr ma jikkompromettu r-relazzjonijiet tax-xogħol produttivi mal-partijiet l-oħra involuti. |
Għajxien tad-diversità
— |
Abbiltà li jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet ta’ ħidma effettivi ma’ kollegi f’ambjent ta’ ħidma internazzjonali u multidixxiplinarju. |
5. PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
Il-qafas legali ta’ din il-proċedura ta’ reklutaġġ huwa previst mir-Regolament (UE) 2016/794, ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, kif stipulati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) n 259/68 u kif emendati l-aħħar mir-Regolament (UE) n. 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014, u d-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-1 ta’ Mejju 2017 li tadotta r-Regoli għall-għażla, l-estensjoni tal-mandat u t-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Diretturi Eżekuttivi.
Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jistabbilixxi Kumitat ta’ Għażla kompost minn ħames membri li jirrappreżentaw lill-Istati Membri, li għandhom jiġu ddeterminati bi tlugħ bix-xorti mill-MB, flimkien ma’ rappreżentant tal-Kummissjoni u d-Direttur Eżekuttiv.
Il-kompiti tal-Kumitat għandhom jinkludu li:
(a) |
jidentifika l-kandidati kollha li, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-avviż tal-post vakanti, huma eliġibbli għall-kariga; |
(b) |
jagħmel valutazzjoni inizjali tal-applikazzjonijiet ta’ kandidati eliġibbli li tikkunsidra l-kwalifiki professjonali, il-ħiliet, l-esperjenza u r-referenzi ta’ karattru tagħhom sabiex ikun deċiż liema minnhom għandhom jiġu vvalutati aktar; |
(c) |
jistieden lill-kandidati fil-lista mqassra biex jipparteċipaw fi proċedura tal-għażla relatata mal-kariga, li ġeneralment tinkludi test bil-miktub u intervista bbażata fuq il-kompetenzi (N.B.: il-Kumitat se jistieden lill-5 applikanti bl-ogħla punteġġ u lill-applikanti kollha li għandhom punteġġ indaqs għall-5 wieħed bl-ogħla punteġġ); |
(d) |
ifassal rapport immotivat kif xieraq dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslu u l-proċedura segwita, li għandu jinkludi l-lista tal-kandidati eliġibbli li tindika fosthom dawk intervistati mill-Kumitat u lista ta’ kandidati, ordnati skont il-mertu, li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha u li huma kkunsidrati li jissodisfaw l-aktar il-kriterji ta’ għażla stabbiliti fl-avviż ta’ post vakanti. |
L-applikanti magħżula għandhom jgħaddu minn valutazzjoni minn ċentru tal-valutazzjoni estern li se jipprovdi parir oġġettiv lill-Kumitat ta’ Għażla.
Il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jiddeċiedi li jintervista lill-kandidati fuq il-lista tal-Kumitat ta’ Għażla u kwalunkwe kandidat ieħor eliġibbli intervistat minnu.
Abbażi tar-rapport sottomess mill-Kumitat ta’ Għażla, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jadotta opinjoni mmotivata:
— |
li tippreżenta l-lista ta’ kandidati eliġibbli; |
— |
li tistabbilixxi lista qasira ta’ mill-inqas tliet kandidati xierqa kklassifikati fl-ordni skont il-mertu; |
— |
li tikkonferma li l-applikanti fuq il-lista qasira jissodisfaw il-kondizzjonijiet rilevanti tal-impjieg u l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-avviż ta’ post battal, minkejja d-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 13 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra dwar l-eżami mediku. |
Il-President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jressaq l-opinjoni mmotivata, inkluż il-lista qasira proposta ta’ kandidati u l-fajl ta’ applikazzjoni komplut ta’ kull kandidat magħżul, lill-Kunsill sabiex jippermetti lil dan tal-aħħar jieħu d-deċiżjoni tiegħu kif previst fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament tal-Europol.
Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Kunsill jista’ jiġi mistieden jidher quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew, li għandu sussegwentement jagħti opinjoni mhux vinkolanti.
Il-kandidati li jkunu attendew proċedura tal-għażla jistgħu jitolbu feedback dwar il-prestazzjoni tagħhom fi żmien tliet xhur wara l-proċedura tal-għażla. L-Europol mhux se tkun f’pożizzjoni li tirrispondi għall-mistoqsijiet ta’ feedback li jiġu rċevuti barra minn dan iż-żmien.
Ix-xogħol u d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Għażla huma kunfidenzjali. Huwa pprojbit li kandidati jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tal-Kumitat ta’ Għażla, jew li xi ħadd jagħmel dan f’isimhom. Il-mistoqsijiet jew it-talbiet kollha għal informazzjoni jew dokumentazzjoni f’rabta mal-proċedura tal-għażla għandhom jiġu indirizzati lil mbs@europol.europa.eu
Ladarba tkun saret il-ħatra mill-Kunsill, kull kandidat li jkun applika għall-kariga għandu jirċievi ittra formali li tinnotifika l-eżitu tar-riżultat tal-proċedura mis-segretarjat tal-Kumitat ta’ Għażla. It-terminu ta’ tliet xhur biex jitressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jibda mid-data ta’ notifika ta’ din l-ittra.
6. SALARJU
Skala: AD14
Is-salarju fix-xahar bażiku hu EUR 14 837,60 (stadju 1) jew EUR 15 461,11 (stadju 2).
L-istadju fil-grad huwa ddeterminat abbażi tal-esperjenza professjonali miksuba wara l-edukazzjoni meħtieġa għall-kariga u f’konformità mar-regoli ta’ implimentazzjoni applikabbli.
Il-persunal iħallas it-taxxa tal-UE minn ras il-għajn iżda s-salarji huma eżentati mit-taxxi nazzjonali. Isir tnaqqis obbligatorju għall-assigurazzjoni medika, il-pensjoni u l-assigurazzjoni tal-qgħad.
Soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet applikabbli, kif definit fir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE (RSUE)/CEOS u kif speċifikat aktar fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jingħataw kwoti bħal allowance tal-espatrijazzjoni (16 % tas-salarju bażiku gross) jew allowance ta’ residenza barranija (4 % tas-salarju bażiku gross), allowance tal-familja, wild dipendenti u/jew allowance għall-edukazzjoni.
Il-membri tal-persunal igawdu minn kopertura ta’ assigurazzjoni dinjija mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (RKAM) u huma assigurati kontra l-mard, ir-riskju ta’ mard u ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol.
L-Europol toffri arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, dispożizzjoni komprensiva għal liv annwali kif ukoll liv tal-ġenituri li jappoġġa bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Kalkolu tal-kampjun tas-salarju nett indikattiv AD14/1:
(a) |
Membru tal-persunal (uniku) li jirċievi allowance tal-espatrijazzjoni (16 %): EUR 13 268,75 |
(b) |
Membru tal-persunal b’żewġ ulied dipendenti fil-kustodja tiegħu li jirċievi allowance tal-espatrijazzjoni (16 %): EUR 15 821,81 |
L-informazzjoni ta’ hawn fuq hija indikattiva u għal skopijiet ta’ informazzjoni biss. Hija maħsuba biss biex tagħti indikazzjoni tas-salarju nett possibbli tiegħek fid-dawl tal-ammonti attwalment applikabbli tal-allowances relatati u l-livell ta’ tassazzjoni. Ma għandha l-ebda valur legali u l-ebda dritt ma jista’ jiġi derivat minnha.
L-informazzjoni hija bbażata fuq ċifri applikabbli minn Lulju 2019.
7. TERMINI U KUNDIZZJONIJIET
Perjodu ta’ prova
L-impjieg permanenti għal din il-kariga huwa soġġett għat-tlestija b’suċċess ta’ perjodu ta’ prova ta’ 9 xhur. Fi ħdan dan il-perjodu, il-kandidat li jintgħażel se jkollu jgħaddi minn skrinjar tas-sigurtà relatat mal-kariga.
Il-kuntratt tal-impjieg jista’ jiġi tterminat matul jew fl-aħħar tal-perjodu ta’ prova f’konformità mal-Artikolu 14 tas-CEOS.
Skrinjar tas-sigurtà u ċertifikat ta’ kondotta tajba
Il-kandidati kollha li jgħaddu b’suċċess mill-proċedura tal-għażla huma meħtieġa li japplikaw għal “ċertifikat ta’ kondotta tajba” nazzjonali fi żmien li ssir l-offerta għall-impjieg. Iċ-“ċertifikat ta’ kondotta tajba” irid jiġi pprovdut lill-Europol qabel jiġi ffirmat il-kuntratt ta’ impjieg. F’każ ta’ noti mhux favorevoli fiċ-“Ċertifikat ta’ kondotta tajba” l-Europol tirriserva d-dritt li ma tagħtix kuntratt ta’ impjieg.
Madankollu, iċ-ċertifikat nazzjonali ta’ kondotta tajba ma jissostitwixxix Ċertifikat ta’ Approvazzjoni tas-Sigurtà Personali (PSCC, Personal Security Clearance Certificate) sħiħ u validu li jrid jinkiseb għall-persunal kollu tal-Europol fil-livell indikat fid-Deskrizzjoni tal-Impjieg. PSCC huwa ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti li tistabbilixxi li individwu huwa approvat f’termini ta’ sigurtà. Dan fih: il-livell ta’ approvazzjoni, id-data tal-ħruġ u d-data tal-iskadenza. Jekk ma jinkisbx ir-rekwiżit tal-approvazzjoni tas-sigurtà qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ prova, dan jista’ jwassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg.
Il-livell meħtieġ għall-Approvazzjoni tas-Sigurtà ta’ din il-kariga huwa: TRES SECRET UE/EU TOP SECRET.
Kuntratt ta’ impjieg
Il-kandidat li jintgħażel għandu jinħatar mill-Kunsill, u għandu jkun involut fit-tip ta’ kariga ta’ Direttur, titlu tal-kariga Deputat Direttur Eżekuttiv, u grupp ta’ funzjoni AD, grad 14 skont l-Artikolu 2(a) CEOS u l-Anness I RSUE.
Il-kuntratt inizjali se jiġi konkluż għal perjodu ta’ 4 snin. Il-kuntratt jista’ jiġġedded darba għal mhux iktar minn 4 snin.
Il-post tal-impjieg se jkun l-Aja, in-Netherlands.
Għal aktar informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet jekk jogħġbok ikkonsulta r-Regolamenti tal-Persunal tal-UE li huma disponibbli fuq is-sit web tal-Europol www.europol.europa.eu.
8. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI
Indipendenza u dikjarazzjoni ta’ interessi
Qabel ma jassumu d-dmirijiet tagħhom, il-kandidati magħżula ser jintalbu jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn li ser jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u jiddikjaraw kwalunkwe interess li jista’ jitqies ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom.
Obbligi statutorji mat-tluq mis-servizz
Skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE, l-uffiċjali tal-UE u, b’analoġija, l-aġenti temporanji “jibqgħu marbuta bid-dmir li jġibu ruħhom b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji” wara li jitilqu mis-servizz. Dawk il-membri tal-persunal li biħsiebhom jinvolvu ruħhom f’attività okkupazzjonali fi żmien sentejn minn meta jħallu s-servizz għandhom jinfurmaw lill-istituzzjoni tagħhom, sabiex din tkun tista’ tieħu deċiżjoni xierqa f’dak ir-rigward. F’każijiet fejn l-attività maħsuba tkun marbuta mal-ħidma mwettqa mill-membru tal-persunal matul l-aħħar tliet snin fis-servizz, u tista’ twassal għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-istituzzjoni, id-deċiżjoni li għandha tittieħed tista’ tinkludi l-projbizzjoni lill-membru tal-persunal milli jagħmel dan jew jagħti l-approvazzjoni tiegħu, soġġett għal kull kundizzjoni li jqis xierqa. Meta dawk il-membri tal-persunal huma ex membri tal-persunal superjuri, jiġifieri fi ħdan il-Qafas Regolatorju tal-Europol, il-Viċi Diretturi Eżekuttivi u d-Direttur Eżekuttiv, l-Artikolu 16(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE jistipula li “l-awtorità tal-ħatra għandha, fil-prinċipju, tipprojbixxihom, matul it-12-il xahar ta’ wara li jitilqu mis-servizz, milli jimpenjaw ruħhom f’lobbying jew f’promozzjoni fir-rigward tal-persunal tal-istituzzjoni preċedenti tagħhom għan-negozju, il-klijenti jew l-impjegaturi tagħhom dwar kwistjonijiet li kienu responsabbli għalihom matul l-aħħar tliet snin tas-servizz.”
Avviż dwar il-Privatezza — Reklutaġġ Estern u proċess tal-għażla ta’ Aġenti Temporanji (AT) għal Karigi ta’ Maniġment Superjuri
L-għan ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ privatezza huwa li l-applikanti jiġu infurmati bil-Kariga ta’ Maniġment Superjuri dwar il-ġbir u l-użu ta’ data personali.
Skop għall-ġbir tad-data
Id-data sottomessa tiġi pproċessata sabiex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-kandidati għal pożizzjoni mal-Europol fil-kariga ta’ maniġment superjuri għal AT, u sabiex tiġi amministrata d-dokumentazzjoni relatata mal-għażla. Id-data li tinġabar għall-konformità ma’ dan l-iskop hija dik meħtieġa fil-formola tal-applikazzjoni flimkien mad-data kollha pprovduta mis-suġġett tad-data b’mod stampat jew elettroniku.
Bażijiet ġuridiċi għall-ipproċessar tad-data personali
Il-bażijiet ġuridiċi għall-ipproċessar ta’ data personali għall-persunal temporanji impjegat skont l-Artikolu TA2a huma:
— |
Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (Titolu II Kapitolu 3) u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom; |
— |
Deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol tal-1 ta’ Mejju 2017 dwar ir-regoli għall-għażla, l-estensjoni tal-mandat u t-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Diretturi Eżekuttivi; |
— |
Deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol tat-23 ta’ Mejju 2019 dwar it-tipi ta’ karigi u t-titli tal-karigi fl-Europol; |
— |
Id-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol tas-7 ta’ Awwissu 2020 li tiddefinixxi l-karigi tal-Europol li jistgħu jiġu okkupati biss minn persunal ingaġġat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (“karigi ristretti”) |
Data personali pproċessata
Id-data personali miġbura f’dan il-proċess tinkludi dan li ġej:
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
Il-kontrollur tad-data
Il-kontrollur tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-Kap tal-Unità tar-Riżorsi Umani.
Ir-riċevituri tad-data
Ir-riċevituri tad-data relatata mal-proċess tar-Reklutaġġ u l-Għażla għall-pożizzjonijiet ta’ aġenti temporanji huma l-persunal tal-Europol impjegat fid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni li jindirizza l-HR u affarijiet finanzjarji, il-membri tal-Kumitat ta’ Għażla, is-Segretarjat tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv. L-Europol tilliċenzja pjattaforma elettronika għar-reklutaġġ minn fornitur estern (Insight Technology Solutions Belgium Inc., Belgian Branch of Insight Direct USA Inc., Romeinssteenweg 468, 1853 Grimbergen, il-Belġju). Il-fornitur u s-sottokuntratturi tiegħu jamministraw il-pjattaforma f’isem l-Europol u jistgħu jaċċessaw id-data tal-kandidati f’każ ta’ mistoqsijiet tekniċi.
Id-data personali tal-kandidati fil-lista mqassra li huma membri ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li japplikaw għal kariga ristretta ser tiġi pprovduta lill-Unità Nazzjonali tal-Europol ikkonċernata bil-għan li tinħareġ l-Unità Nazzjonali ta’ Konferma tal-Europol. L-aċċess għad-data personali tal-kandidati fil-lista mqassra li japplikaw għal karigi ta’ maniġment superjuri jista’ jiġi pprovdut lil fornitur ta’ ċentru ta’ valutazzjoni estern u lis-sottokuntratturi tiegħu (l-FWC EFSA, OC/EFSA/HUCAP/2019/02, Għoti ta’ assistenza fi proċeduri ta’ għażla tal-persunal u s-sottokuntratturi tagħhom), lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew kif deskritt fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.
Il-ħażna u ż-żamma tad-data
Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha pprovduti lill-Europol se jinżammu fil-fajls tal-Europol u mhux se jerġgħu jingħataw lill-kandidat. L-applikazzjonijiet ta’ kandidati li ma jkunux fil-lista mqassra jinżammu għal mill-inqas sentejn kalendarji sħaħ u sa massimu ta’ 3 snin kalendarji sħaħ mis-sena li fiha l-kandidati jiġu infurmati dwar l-eżitu tal-preselezzjoni.
Data oħra (eż. matriċi ta’ preselezzjoni) relatata mal-proċess ta’ reklutaġġ u għażla ser tinżamm għal mill-inqas 4 snin kalendarji sħaħ u sa massimu ta’ 5 snin kalendarji sħaħ mis-sena meta l-proposta finali tiġi ffirmata mid-Direttur Eżekuttiv.
Id-data personali f’applikazzjonijiet mhux mitluba titħassar immedjatament. Id-data finanzjarja relatata mal-proċedura tal-għażla (eż. fatturi, talbiet għal rimborż) tinżamm għal perjodu ta’ 5 snin kalendarji wara l-kwittanza tal-baġit, kif meħtieġ mir-Regolamenti Finanzjarji.
Id-data maħżuna fl-għodda ta’ reklutaġġ elettroniku tista’ tinħażen ulterjorment fil-fajls elettroniċi u fiżiċi tal-HR, li huma relatati mal-proċedura tal-għażla.
Drittijiet tas-suġġett tad-data
Il-kandidati għandhom id-dritt li jaċċessaw, jirrettifikaw, jibblukkaw u jħassru d-data personali tagħhom f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data permezz tas-sistema ta’ reklutaġġ elettroniku —meta jkun possibbli- jew permezz ta’ email mibgħuta lil C22@europol.europa.eu.
Kuntatt f’każ ta’ mistoqsijiet rigward l-ipproċessar tad-data personali
F’każ ta’ mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-kontrollur tad-data fuq C22@europol.europa.eu jew bil-Funzjoni ta’ Protezzjoni tad-Data tal-Europol (DPF):
DPF, PO Box 90850, 2509LW, The Hague, email: DPF@europol.europa.eu.
Għandek ukoll id-dritt ta’ rikors fi kwalunkwe żmien għall-Kontrollatur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD): edps@edps.europa.eu.
DATI EWLENIN
Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet: 16 ta’ Ottubru 2020, f’23:59 CET
Il-proċedura tar-reklutaġġ: Ir-4 Kwart tal-2020; L-1 Kwart tal-2021
Data tal-bidu tal-impjieg: kemm jista’ jkun malajr wara t-tmiem tal-proċedura ta’ reklutaġġ.
PROĊESS TA’ APPLIKAZZJONI
Sakemm dawn ma jinbidlux mid-dispożizzjonijet speċifiċi previsti fir-Regoli għall-għażla, l-estensjoni tal-mandat u t-tneħħija mill-uffiċju tad-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Direttur Eżekuttiv, jekk jogħġbok irreferi għal-LINJI GWIDA TAR-REKLUTAĠĠ TAL-EUROPOL disponibbli fuq is-sit web tal-Europol www.europol.europa.eu għal aktar dettalji dwar il-proċess tal-applikazzjoni u l-proċedura tal-għażla.
DETTALJI TA’ KUNTATT
Għal aktar dettalji dwar il-proċess tal-applikazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lil mbs@europol.europa.eu.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).
(3) Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) u kif emendati l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 129, 30.4.2014, p. 12).