ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 235I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
17 ta' Lulju 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 235 I/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19

1


MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

17.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 235/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19

(2020/C 235 I/01)

I.   INTRODUZZJONI

Ċertu setturi tal-ekonomija Ewropea, b’mod partikolari s-settur agroalimentari u dak tat-turiżmu, jiddependu fuq l-appoġġ tal-ħaddiema staġjonali ġejjin minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi għall-perjodi speċifiċi tas-sena. Ħafna drabi, dawn il-ħaddiema jżommu l-post ewlieni tar-residenza tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom u jiċċaqalqu b’mod temporanju fi Stat Membru biex iwettqu attività li tiddependi mir-ritmu tal-istaġuni.

Il-ħaddiema staġjonali transfruntiera jgawdu minn ġabra estensiva ta’ drittijiet li jistgħu jvarjaw skont jekk humiex ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini ta’ pajjiż terz. Madankollu, minħabba n-natura temporanja ta’ xogħolhom u ċ-ċirkostanzi partikolari li jaħdmu fihom, jistgħu jkunu aktar vulnerabbli għal kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien prekarji. Il-pandemija tal-COVID-19 tat aktar viżibbiltà lil dawn il-kundizzjonijiet, u f’xi każijiet għarrqithom. Barra minn hekk, uriet li f’xi każijiet, dawn il-problemi jistgħu jwasslu għal aktar tixrid ta’ mard infettiv u żżid ir-riskju ta’ clusters tal-COVID-19.

Għalhekk, huma meħtieġa azzjonijiet xierqa b’mod urġenti. Dawn il-linji gwida jikkomplementaw il-COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ippubblikati fit-30 ta’ Marzu 2020 (1) u jwieġbu għal talba tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema staġjonali transfruntiera (2). Dawn il-Linji Gwida jindirizzaw kemm lill-ħaddiema staġjonali mill-UE kif ukoll lill-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi fl-UE u, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-miżuri hawn taħt jirreferu għaż-żewġ gruppi.

II.   ID-DRITTIJIET TAL-ĦADDIEMA STAĠJONALI BIEX JAĦDMU FI STAT MEMBRU TAL-UE

Id-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali għall-aċċess fit-territorju tal-Istat Membru jew fis-suq tax-xogħol jistgħu jkunu differenti skont in-nazzjonalità tagħhom (jiġifieri, tal-UE jew mhux tal-UE). Barra minn hekk, il-ħaddiema staġjonali jistgħu jiġu impjegati permezz ta’ intermedjarji differenti.

Filwaqt li fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-Unjoni fir-rigward tal-ħaddiema staġjonali, l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli mill-applikazzjoni xierqa tar-regoli fid-dritt nazzjonali li jimplimentaw id-Direttivi tal-UE. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jsaħħu l-ispezzjonijiet fuq il-post f’dan ir-rigward, inkluż bl-appoġġ tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (3) (ELA) u jinfurzaw bis-sħiħ ir-regoli kollha applikabbli.

—   Trattament indaqs għall-ħaddiema tal-UE

F’konformità mal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema minquxa fl-Artikolu 45 tat-TFUE u l-prinċipju tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni, iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jfittxu impjieg, inkluż impjieg staġjonali, fi Stat Membru ieħor, li jirċievu l-istess assistenza mill-uffiċċji nazzjonali tal-impjiegi u li jibdew impjieg bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. Ladarba jkunu impjegati, huma soġġetti għal-liġijiet u l-ftehimiet kollettivi rilevanti tal-Istat Membru ospitanti u jridu jiġu trattati l-istess bħaċ-ċittadini fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inkluż ir-remunerazzjoni, is-sensja u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Għandhom ukoll id-dritt għall-aċċess tal-istess benefiċċji soċjali u tat-taxxa bħaċ-ċittadini. Jekk jispiċċaw bla xogħol b’mod involontarju, huma jżommu l-istat ta’ ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti għal sitt xhur diment li jirreġistraw mas-servizzi tal-impjiegi tiegħu (4).

F’konformità mad-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-ħaddiema tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu għandhom id-dritt: li jiġu assistiti mill-korpi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti sabiex jiġi promoss it-trattament indaqs u jiġu appoġġati l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom; li jmorru l-qorti f’każ ta’ diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza; li jiġu appoġġati mit-trade unions u minn entitajiet oħra fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva; u li jiġu protetti kontra l-vittimizzazzjoni.

—   Il-kundizzjonijiet għad-dħul ta’ ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhux dak fejn se jiġu impjegati bħala ħaddiema staġjonali jew li jgħixu f’pajjiż terz, normalment ikollhom bżonn japplikaw għal viża, permess tax-xogħol jew permess tar-residenza biex joqogħdu u jaħdmu f’dak l-Istat Membru.

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu fl-UE minn pajjiżi terzi bl-iskop ta’ impjieg bħala ħaddiema staġjonali huma koperti mid-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali (6), li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tagħhom għad-dħul u d-drittijiet tagħhom ladarba fl-UE. Mis-17 ta’ Marzu 2020, l-Istati Membri tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda) u l-Pajjiżi assoċjati ma’ Schengen qed jimplimentaw restrizzjoni dwar l-ivjaġġar mhux essenzjali fl-UE. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni, adottata fit-30 ta’ Ġunju 2020 (7), tispeċifika li l-ivjaġġar essenzjali għandu jitħalla għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew bżonn essenzjali msemmija fl-Anness II ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni, li tinkludi l-ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura. Skont dik ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri jistgħu madankollu jintroduċu miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għal dawn il-vjaġġaturi, speċjalment meta l-vjaġġ tagħhom joriġina f’reġjun b’riskju għoli.

—   Il-ħaddiema staġjonali stazzjonati

Il-ħaddiema staġjonali tal-UE impjegati fi Stat Membru wieħed u mibgħuta mill-impjegatur tagħhom biex jaħdmu fi Stat Membru ieħor huma meqjusa bħala ħaddiema stazzjonati skont it-tifsira tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu u joqogħdu legalment fi Stat Membru, jistgħu jiġu stazzjonati mill-impjegatur tagħhom fi Stat Membru ieħor u fit-tali sitwazzjoni jitqiesu bħala ħaddiema stazzjonati (9).

Skont id-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (10), japplikaw għalihom it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ewlenin tal-Istat Membru ospitanti li jirriżultaw mil-liġijiet jew minn ftehimiet kollettivi applikabbli universalment.

L-iktar termini u kundizzjonijiet tal-impjieg rilevanti għall-ħaddiema staġjonali stazzjonati huma b’mod partikolari, il-ħlas tar-remunerazzjoni (inkluż l-elementi kostitwenti obbligatorji kollha), il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-miżuri tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-iġjene applikabbli fuq ix-xogħol.

Il-ħaddiema staġjonali impjegati permezz ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju fi Stat Membru ieħor u mikrija lil impriża utenti fi Stat Membru (ospitanti) ieħor huma wkoll meqjusa bħala ħaddiema stazzjonati. Mingħajr preġudizzju għat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Istati Membri ospitanti li japplikaw għalihom fil-kwalità ta’ ħaddiema stazzjonati, l-aġenzija trid tiggarantixxi lil dawn il-ħaddiema l-istess termini u kundizzjonijiet bażiċi tal-impjieg (11) li jistgħu japplikaw jekk il-ħaddiem ikun impjegat direttament mill-impriża utenti.

Billi japplikaw id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jeżistu mekkaniżmi effettivi għall-ħaddiema staġjonali stazzjonati biex iressqu lmenti kontra l-impjegaturi tagħhom direttament fl-Istat Membru fejn huma jew kienu stazzjonati u li t-trade unions jew partijiet terzi oħra jistgħu jinvolvu ruħhom f’isem il-ħaddiema stazzjonati jew b’appoġġ għalihom fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv. F’konformità ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tas-subkuntrattar.

—   Ix-xogħol mhux iddikjarat

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu l-passi neċessarji biex jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat tal-ħaddiema staġjonali u biex jagħmlu użu estensiv mill-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat. L-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-Pjattaforma, bħal sħubijiet tripartitiċi u kooperazzjoni transfruntiera, analiżi tar-riskji u estrazzjoni tad-data aħjar għal spezzjonijiet effettivi, flimkien ma’ miżuri preventivi bħal elenkar tal-kumpaniji konformi, jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat tal-ħaddiema staġjonali.

III.   IL-KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL U TAL-GĦAJXIEN TAL-ĦADDIEMA STAĠJONALI

Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet dawl fuq il-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, tal-għajxien, kif ukoll tas-saħħa u tas-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema staġjonali. Waqt il-kriżi ġew irrappurtati għadd ta’ każijiet rigward il-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali u kwistjonijiet li għaddejjin bħalissa li ggravaw u li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema, li jeħtieġ jiġu indirizzati.

—   Is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH)

Il-ħaddiema staġjonali jgawdu mill-istess drittijiet u protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tagħhom bħal ħaddiema oħra ta’ Stat Membru partikolari. Id-Direttiva 89/391/KEE (“id-Direttiva Qafas”) tispeċifika għadd ta’ obbligi għall-impjegaturi, inkluż l-evalwazzjoni tar-riskji okkupazzjonali tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, u fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħhom, l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali, il-forniment tal-informazzjoni u tat-taħriġ, kif ukoll il-forniment tal-organizzazzjoni u l-mezzi meħtieġa.

Id-Direttiva Qafas hi kkomplementata b’aktar minn għoxrin direttiva li jiffokaw fuq aspetti speċifiċi tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol (13) li japplikaw għall-ħaddiema kollha, inkluż il-ħaddiema staġjonali, irrispettivament min-nazzjonalità, mis-settur, mill-attività jew mill-okkupazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-OSH li jaffettwaw lill-ħaddiema staġjonali u jipprovdu lill-impjegaturi b’informazzjoni prattika dwar kif jimplimentaw ir-rekwiżiti ġuridiċi rilevanti li jaffettwaw lill-ħaddiema staġjonali fis-setturi kollha. L-impjegaturi għandhom iwettqu l-valutazzjoni xierqa tar-riskji okkupazzjonali kollha possibbli u jistabbilixxu l-miżuri preventivi u protettivi li jirriżultaw, inkluż il-forniment tat-tagħmir protettiv meħtieġ, u l-addattament tal-miżuri għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jevolvu.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex b’mod partikolari jindirizzaw l-aspetti li ġejjin:

il-monitoraġġ mill-qrib u l-infurzar sħiħ tar-regoli applikabbli skont id-Direttiva Qafas;

in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-perċezzjoni tar-riskji minħabba xogħol imwettaq bi skemi mhux kontinwi, ostakli tal-lingwa u nuqqas ta’ taħriġ tal-ħaddiema staġjonali, meta mqabbla ma’ ħaddiema li jaħdmu f’xogħlijiet iktar stabbli;

l-inklużjoni tal-ħaddiema staġjonali f’mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni li jittrattaw kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol.

Filwaqt li tqis li parti mill-ħaddiema staġjonali jaħdmu f’kumpaniji mikro u żgħar, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (14) enfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità tal-intrapriżi mikro u żgħar li jistabbilixxu miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskju effettivi u effiċjenti. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu gwida prattika lill-kumpaniji iżgħar, anki permezz ta’ kontrolli, fir-rigward tal-iktar miżuri effiċjenti li għandhom jittieħdu biex jiġu kkontrollati r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza, speċjalment dawk marbuta mal-COVID-19, flimkien ma’ informazzjoni dwar l-inċentivi li ġew stabbiliti. Għandhom ukoll jipprovdu appoġġ speċifiku għall-kumpaniji iżgħar fis-setturi fejn ir-riskju tat-tixrid tal-COVID-19 huwa ogħla.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-gwida rilevanti tal-EU-OSHA, (15) b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri tal-iġjene meħtieġa, filwaqt li jfakkru lill-impjegaturi dwar il-ħtieġa li jipprovdu faċilitajiet xierqa fejn jista’ jkun hemm it-tbegħid fiżiku u faċilitajiet xierqa għall-ikel u x-xorb, kif ukoll latrini u doċoċ.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom ħalli jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema staġjonali, b’mod partikolari permezz tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-Kumitat ta’ Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol (SLIC) (16). Għandhom jitqiesu l-isfidi speċifiċi relatati mal-gruppi vulnerabbli, bħall-ħaddiema nisa, żgħażagħ u dawk li huma akbar fl-età u ħaddiema li jbatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa partikolari. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawn il-Kumitati biex jiddiskutu interventi speċifiċi mmirati għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa fil-lingwa li tinftiehem mill-ħaddiema staġjonali, kif ukoll azzjonijiet ta’ infurzar immirati.

Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-ispezzjonijiet fuq il-post meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tan-normi tal-OSH fir-rigward tal-ħaddiema staġjonali.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema biex jesploraw u jippromwovu mekkaniżmi sabiex jiżguraw li l-ħtiġijiet partikolari tal-ħaddiema staġjonali jkunu indirizzati b’mod adegwat u se tkompli tappoġġa l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-EU-OSHA biex tiġbor informazzjoni u prattiki tajbin dwar l-aspetti tal-OSH li jaffettwaw lill-ħaddiema staġjonali, u biex tqegħedhom għad-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ kampanja ta’ informazzjoni ddedikata mmirata għall-ħaddiema staġjonali.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ is-sinerġiji bejn firxa usa’ ta’ politiki u l-politika tal-OSH fis-setturi tal-produzzjoni agroalimentari, li huma ta’ sfida partikolari fit-termini tal-OSH, speċjalment fir-rigward tar-rati ta’ aċċidenti fuq ix-xogħol. Pereżempju, l-Istrateġija riċenti “Mill-Għalqa sal-Platt” (17) tindirizza l-ħtieġa li jiġu żgurati sistemi alimentari ġusti, tajbin għas-saħħa u li jirrispettaw l-ambjent. Postijiet tax-xogħol aktar sani u aktar sikuri huma essenzjali, u għalhekk jikkontribwixxu ulterjorment għal aktar protezzjoni tas-saħħa pubblika b’mod ġenerali.

—   L-akkomodazzjoni u t-trasport

Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat l-akkomodazzjoni ta’ spiss fqira tal-ħaddiema staġjonali u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu trasportati lejn il-post tax-xogħol. Filwaqt li d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali tinkludi r-regoli dwar l-akkomodazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom il-ħaddiema minn pajjiżi terzi sabiex jinħarġulhom viża, permess tax-xogħol jew permess tar-residenza, (18) u d-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tapplika għall-ħaddiema staġjonali r-regoli, meta jkunu jeżistu, dwar il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-pajjiż ospitanti, m’hemm stabbilit l-ebda att tal-Unjoni li jiggarantixxi l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni għal ħaddiema staġjonali oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien diċenti għall-ħaddiema staġjonali. Tul is-soġġorn tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, il-ħaddiema staġjonali kollha għandhom jibbenefikaw minn akkomodazzjoni li tikkorrispondi għal standard xieraq skont id-dritt u l-prattika nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jipprovdu jew jagħmlu arranġamenti għall-akkomodazzjoni tagħhom bi prezz li mhux eċċessiv meta mqabbel mal-kwalità tagħha u mar-remunerazzjoni netta tal-ħaddiema staġjonali.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-impjegaturi biex ma jnaqqsux il-kera awtomatikament mill-paga tal-ħaddiema staġjonali. Meta t-trasport u l-forniment tal-ikel huma pprovduti jew organizzati mill-impjegatur, l-ispejjeż tagħhom għandhom ukoll jibqgħu raġonevoli u ma għandhomx jitnaqqsu awtomatikament mill-pagi tal-ħaddiem staġjonali.

L-akkomodazzjoni u l-mezzi tat-trasport għall-ħaddiema staġjonali għandhom jissodisfaw l-istandards dwar is-saħħa u s-sikurezza fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, inkluż il-miżuri għat-tbegħid soċjali u għas-saħħa u s-sikurezza applikabbli fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 (19).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għall-aġenziji tax-xogħol temporanju u tar-reklutaġġ immirati għall-ħaddiema staġjonali u transfruntiera fl-UE, sabiex jiżguraw li dawn l-aġenziji jassiguraw informazzjoni xierqa lill-ħaddiema u jirrispettaw standards minimi ta’ kwalità li jippermettu protezzjoni adegwata f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu stabbiliti fl-għamla ta’ kodiċi tal-kondotta jew anki leġiżlazzjoni għall-dawn l-impriżi. Huwa importanti li qabel it-tluq tal-ħaddiema u irrispettivament mid-durata tal-kuntratt tagħhom, dawn l-aġenziji jinfurmawhom bil-kundizzjonijiet tax-xogħol, bid-drittijiet tas-sigurtà soċjali u bl-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tagħhom, kif ukoll bil-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali applikabbli, u b’arranġamenti rilevanti oħra, fil-lingwa tagħhom stess jew f’lingwa li jifhmu.

IV.   L-ASPETTI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI RELATATI MAL-ĦADDIEMA STAĠJONALI

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 jiddetermina l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiema staġjonali. Skont dan, il-ħaddiema tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu huma soġġetti għas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss kull darba. L-għan huwa li jiġu evitati koperturi doppji jew lakuni fil-koperturi għal dawn il-ħaddiema. Il-ħaddiema u l-impjegatur tagħhom ma għandhomx il-possibbiltà li jagħżlu f’liema Stat Membru jiġu assigurati (20): il-leġiżlazzjoni applikabbli hija derivata oġġettivament mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, abbażi tas-sitwazzjoni personali u professjonali tal-ħaddiem. Ir-regoli jipprovdu stabbiltà billi jevitaw tibdil kostanti fil-leġiżlazzjoni applikabbli u jillimitaw il-piż amministrattiv fuq il-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom, l-impjegaturi u l-awtoritajiet pubbliċi (21).

B’riżultat tal-affiljazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru kompetenti, il-ħaddiema staġjonali għandu jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali fl-istess livell bħal persuni assigurati oħra f’dak l-Istat Membru. Normalment din l-affiljazzjoni tikkonsisti fiż-żewġ obbligi, bħall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u l-għoti tad-drittijiet u l-benefiċċji immedjati, bħall-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-familja u l-benefiċċji tal-qgħad. Barra minn hekk, is-sistema tas-sigurtà soċjali li l-persuna tkun assigurata magħha għal mill-inqas sena, għandha tipprovdi wkoll il-pensjonijiet futuri meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet ta’ intitolament nazzjonali (22).

Fir-rigward tal-ħaddiema kollha li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-ħaddiema staġjonali li huma assigurati fi Stat Membru li huwa differenti minn dak fejn titwettaq l-attività, irid ikollhom Dokument Portabbli (PD) A1 (23). Dan iċ-ċertifikat jikkonċerna l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li tapplika għall-ħaddiem u jikkonferma li ma għandu l-ebda obbligazzjoni li jħallas il-kontribuzzjonijiet fi Stat Membru ieħor.

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu barra mill-Unjoni u li huma ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru bl-għan ta’ impjieg bħala ħaddiema staġjonali, huma wkoll intitolati għal trattament indaqs bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004; madankollu, jistgħu japplikaw xi restrizzjonijiet. (24)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-impjegaturi għandhom jissodisfaw l-obbligi kollha lejn il-ħaddiema tagħhom, stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, daqslikieku kienu jinsabu fl-Istat Membru kompetenti. (25) Kwalunkwe nonkonformità ma’ dan l-obbligu għandha tiġi rrappurtata lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti tal-Istat Membru fejn isir il-ksur, sabiex jitwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji.

V.   L-INFORMAZZJONI GĦALL-ĦADDIEMA STAĠJONALI

Informazzjoni mhux ċara jew nieqsa dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema staġjonali u tal-impjegaturi tagħhom għandha konsegwenza diretta fuq il-protezzjoni tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom f’kampanji ta’ informazzjoni wiesgħa dwar in-normi applikabbli u d-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali, indirizzati lill-impjegaturi u lill-ħaddiema staġjonali. Tinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni f’dan ir-rigward bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati differenti fl-istess Stat Membru.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (26) tistabbilixxi l-informazzjoni essenzjali li l-ħaddiema, inkluż il-ħaddiema staġjonali, iridu jirċievu bil-miktub mingħand l-impjegatur tagħhom fi żmien xahrejn mill-bidu tar-relazzjoni tal-impjieg. Dan jikkonċerna b’mod partikolari, id-deskrizzjoni tax-xogħol li għandu jitwettaq, id-data tal-bidu u, jekk stabbilit, it-tmiem tar-relazzjoni tal-impjieg, l-ammont tal-liv imħallas, il-livell u l-kompożizzjoni tar-remunerazzjoni, it-tul tal-ġurnata jew tal-ġimgħa tax-xogħol normali, u kwalunkwe ftehim kollettiv applikabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu lil xi kategoriji ta’ ħaddiema minn dawn ir-rekwiżiti minimi (pereżempju, meta t-total tad-durata tal-impjieg ikun xahar jew inqas). Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jitolbu lill-impjegaturi jipprovdu din l-informazzjoni lill-ħaddiema staġjonali, f’lingwa li jifhmu, irrispettivament mid-durata tal-impjieg tagħhom.

Barra minn hekk, il-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi koperti mid-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali, flimkien mal-viża jew il-permess tagħhom, għandhom jirċievu informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, inkluż il-proċeduri tal-ilmenti (27).

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ infezzjonijiet, l-impjegaturi għandhom jiżguraw ukoll li l-ħaddiema staġjonali jkollhom aċċess faċli fit-termini tal-għamla u l-lingwa, għall-informazzjoni fir-rigward tal-perikli okkupazzjonali u r-rekwiżiti tas-sikurezza, u l-istruzzjonijiet u l-proċeduri kollha dwar is-saħħa u s-sikurezza.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-impjegaturi tal-ħaddiema staġjonali jkunu konxji, jifhmu u jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi tagħhom.

F’konformità mad-Direttiva 2014/67/UE, l-Istati Membri kollha stabbilew paġni web uffiċjali nazzjonali uniċi dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li jinkludu informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi tal-impjegaturi (28).

Fl-aħħar nett, il-portal tal-EURES (29) joffri informazzjoni prattika, ġuridika u amministrattiva dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fl-Istati Membri kollha rilevanti għall-ħaddiema staġjonali, filwaqt li l-Portal dwar l-Immigrazzjoni (30) jipprovdi informazzjoni addizzjonali rilevanti b’mod speċifiku għall-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-kontropartijiet tal-EURES tagħha fl-Istati Membri biex jiġu żviluppati azzjonijiet immirati għall-ħaddiema staġjonali u se tkompli tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti li għandhom l-għan li jiżguraw li l-ħaddiema staġjonali u l-impjegaturi jużaw il-portal tal-EURES b’mod estensiv.

VI.   AZZJONIJIET OĦRA

Il-Kummissjoni se twettaq studju biex tiġbor data dwar ix-xogħol staġjonali fl-UE u tidentifika l-isfidi ewlenin li qed jiġu ffaċċjati, inkluż waqt il-pandemija tal-COVID-19, fost l-oħrajn fir-rigward tas-subkuntrattar.

Il-Kummissjoni se torganizza seduta ta’ smigħ mas-sħab soċjali dwar il-ħaddiema staġjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali jindirizzaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema staġjonali fl-Istati Membri ospitanti.

Il-Kummissjoni se tirrifletti ulterjorment dwar azzjonijiet partikolari relatati mas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema, inkluż il-ħaddiema staġjonali, fil-kuntest tal-Qafas Strateġiku tal-UE li ġej dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-Xogħol.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) bħala forum permanenti għall-iskambju bejn l-awtoritajiet nazzjonali u permezz tal-attivitajiet ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-ELA biex tikkoordina kampanja ta’ sensibilizzazzjoni mmirata għas-setturi l-aktar esposti għax-xogħol staġjonali u biex taħdem mill-qrib mal-kontropartijiet tal-EURES tagħha fl-Istati Membri ħalli jiġu żviluppati attivitajiet marbuta magħhom. Tistieden lill-ELA biex tistabbilixxi forum għall-kooperazzjoni u l-iskambju bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u biex tirrevedi u tappoġġa t-titjib tal-informazzjoni pprovduta lill-ħaddiema staġjonali mis-siti web uffiċjali nazzjonali.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat relatat max-xogħol staġjonali permezz tal-Pjattaforma Ewropea li tittratta x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż l-importanza tat-trawwim ta’ iktar sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi fost il-ħaddiema u l-impjegaturi.

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-EU-OSCHA biex taħdem mill-qrib mal-Kumitat ta’ Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol biex twettaq stħarriġ dwar l-okkupazzjonijiet ta’ riskju għoli, inkluż dawk marbuta mal-ħaddiema staġjonali.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fil-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali biex tiġi esplorata l-possibbiltà li tiġi żviluppata gwida xierqa fir-rigward tal-ħaddiema staġjonali. Il-Kummissjoni se tqis ukoll it-tnedija ta’ studju tal-analiżi komparattiv min-network ta’ esperti ġuridiċi dwar il-moviment liberu u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (MoveS) (31).

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jesploraw iż-żieda tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, inkluż permezz tal-korpi skont id-Direttiva 2014/54/UE. Il-Kummissjoni hi lesta li tappoġġa tali kooperazzjoni billi torganizza laqgħat għall-iskambju tal-prattiki tajbin u għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi iktar stabbli.

Fir-rigward tal-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi b’mod aktar speċifiku, attwalment il-Kummissjoni qed twettaq il-valutazzjoni tagħha tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/36/UE mill-Istati Membri bil-ħsieb li tressaq ir-rapport ta’ implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2021. Dan ir-rapport se jagħti ħarsa lejn id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva, inkluż fir-rigward tat-trattament indaqs, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza u l-forniment ta’ statistika affidabbli, u se jivvaluta jekk id-Direttiva tipproteġix b’mod adegwat lill-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi.


(1)  C/2020/2051 (ĠU C 102I, 30.3.2020, p. 12).

(2)  2020/2664(RSP).

(3)  https://www.ela.europa.eu/

(4)  L-Artikolu 7(3)(c) tad-Direttiva 2004/38.

(5)  Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8).

(6)  Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375). Id-Direttiva tapplika għall-Istati Membri kollha minbarra għad-Danimarka u għall-Irlanda.

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU L 208 I, 1.7.2020, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(9)  Dan mhuwiex il-każ għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu u jaħdmu barra mill-UE għal impjegatur li huwa stabbilit fi Stat mhux Membru. Fl-aħħar każ, japplikaw il-kundizzjonijiet għad-dħul għall-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi kif spjegat hawn fuq.

(10)  Id-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16). Ta’ min jinnota li dan japplika mit-30 ta’ Lulju 2020.

(11)  Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(12)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

(13)  Ara fost l-oħrajn: Id-Direttivi 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, 89/654/KEE il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, 2009/104/KE dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sikurezza u ta’ saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol, 89/656/KEE dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, 90/269/KEE dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta’ korriment tad-dahar għall-ħaddiema, 2000/54/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol, 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol.

(14)  COM(2014) 332 final.

(15)  https://osha.europa.eu/mt/themes/covid-19-resources-workplace

(16)  Is-SLIC huwa magħmul minn rappreżentanti tas-servizzi ta’ spezzjoni tax-xogħol tal-Istati Membri.

(17)  COM(220) 381 final.

(18)  L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/36/UE.

(19)  Ara l-Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività — COVID-19 (ĠU C 169, 15.5.2020, p. 17).

(20)  Is-Sentenza C- 345/09, van Delft u Oħrajn, ECLI:EU:C:2010:610.

(21)  F’konformità mal-Artikolu 11(3)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, il-kriterju li jiddetermina l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, bħala regola ġenerali huwa dak tal-Istat Membru li fih il-persuna twettaq l-attività tagħha. Madankollu, l-Artikoli 12 u 13 jipprevedu eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali fejn f’każijiet speċifiċi, u bis-saħħa tan-natura tal-okkupazzjoni tal-ħaddiem, jidher inġustifikabbli jew impossibbli li jiġi applikat dan il-prinċipju. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk meta l-ħaddiem jintbagħat mill-impjegatur biex iwettaq attività ta’ natura staġjonali f’isem dak l-impjegatur, jew il-ħaddiema staġjonali li jwettqu attività f’żewġ Stati Membri jew aktar.

(22)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=854&langId=mt.

(23)  https://europa.eu/youreurope/citizens/work/social-security-forms/contact_points_pd_a1.pdf.

(24)  Minħabba n-natura temporanja tas-soġġorn tal-ħaddiema staġjonali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu l-benefiċċji tal-familja u l-benefiċċji tal-qgħad mit-trattament indaqs bejn dawn il-ħaddiema staġjonali mhux mill-UE u ċ-ċittadini tagħhom stess, kif ukoll il-benefiċċji tat-taxxa. Fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa mfakkar li dawn igawdu mill-istess drittijiet tal-ħaddiema staġjonali tal-UE, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Ara l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375).

(25)  L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(26)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).

Minn Awwissu 2022, din id-Direttiva se tiġi sostitwita bid-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105). Se tintroduċi standards aktar protettivi (eż. skadenzi iqsar għall-għoti tal-informazzjoni) u ma tippermettix li jiġu esklużi l-ħaddiema b’kuntratti qosra.

(27)  L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/36/UE.

(28)  Jekk jogħġbok ara “Siti web dwar l-istazzjonar” https://europa.eu/youreurope/citizens/work/work-abroad/posted-workers/index_mt.htm

(29)  https://ec.europa.eu/eures/public/homepage

(30)  https://ec.europa.eu/immigration/

(31)  https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1098