ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 224

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
8 ta' Lulju 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 224/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9816 — Advent/TA/Conservice) ( 1 )

1

2020/C 224/02

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni u l-emendi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, il-Komunikazzjoni dwar Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 224/03

Rata tal-kambju tal-euro — Is-7 ta' Lulju 2020

5

2020/C 224/04

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta’ April 2020 dwar abbozz ta’ deċiżjoni preliminari b’rabta mal-Każ M.9409 — Aurubis/Metallo Group Holding Relatur: Il-Kroazja ( 1 )

6

2020/C 224/05

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta Il-Każ M.9409 — Aurubis/Metallo Group Holding ( 1 )

8

2020/C 224/06

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2020 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ M.9409 — Aurubis/Metallo Group Holding) (notifikat bid-dokument C(2020) 2752)  ( 1 )

10


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 224/07

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

16

2020/C 224/08

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard ta’ Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

21


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9816 — Advent/TA/Conservice)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 224/01)

Fis-6 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss bl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9816. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/2


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni u l-emendi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, il-Komunikazzjoni dwar Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir

(2020/C 224/02)

(1)   

Ir-regoli li ġejjin dwar l-għajnuna mill-Istat adottati bħala parti mill-inizjattiva tal-2012 dwar il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat se jiskadu fl-aħħar tal-2020:

(a)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (1);

(b)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (2);

(c)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (3)

(d)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (4),

(e)

Komunikazzjoni — Il-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (5) (IPCEI);

(f)

Il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni tal-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (6) (STEC).

(2)   

Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku u tal-Aġenda Diġitali, il-Kummissjoni diġà ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrevedi serje ta’ Linji Gwida sa tmiem l-2021.

(3)   

Sabiex jiġu pprovduti prevedibbiltà u ċertezza legali, meta jkun qed jitħejja l-aġġornament futur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida elenkati fil-punt (1) sa tmiem l-2021. Il-perjodu tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà jenħtieġ li jiġi estiż għal tliet snin.

(4)   

L-estensjoni ta’ dawk ir-regoli se tippermetti lill-Kummissjoni tiffinalizza l-evalwazzjoni ta’ dawk ir-regoli flimkien ma’ regoli oħra dwar l-għajnuna mill-Istat adottati bħala parti mill-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat. Fis-7 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni nediet l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli, fil-forma ta’ “kontroll tal-idoneità”. Abbażi tar-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni mbagħad se tkun f’pożizzjoni tiddeċiedi jekk ittawwalx jew taġġornahomx aktar.

(5)   

Fir-rigward tal-mapep tal-għajnuna reġjonali, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jinnotifikawha sal-1 ta’ Settembru 2020 dwar l-intenzjoni li jestendu l-validità tal-mapep tagħhom tal-għajnuna reġjonali. Wara l-approvazzjoni tal-estensjoni tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-iskemi eżistenti approvati fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020.

(6)   

Wara li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji li l-pandemija tal-COVID-19 jista’ jkollha fuq l-impriżi, huma meħtieġa wkoll adattamenti temporanji ta’ xi Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, il-Komunikazzjoni — Il-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI) u l-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, impriżi li ma kinux f’diffikultà fl-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà wara l-31 ta’ Diċembru 2019 jenħtieġ li jkunu eliġibbli skont dawk il-Linji Gwida sat-30 ta’ Ġunju 2021.

(7)   

Fir-rigward tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, it-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-elettriku minħabba l-pandemija tal-COVID-19 jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet fejn l-intensità tal-użu tal-elettriku tal-impriżi tista’ tonqos. F’dak il-każ, l-impriża tista’ titlef l-eliġibbiltà taħt it-Taqsima 3.7.2 (tnaqqis immirat fil-finanzjament ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għal raġunijiet ta’ kompetittività) meta jiġi applikat l-Anness 4 għall-kalkolu tal-GVA (il-Valur Miżjud Gross) u l-intensità tal-użu tal-elettriku fil-livell tal-impriża. Għalhekk il-metodi ta’ kalkolu li se jintużaw jenħtieġ li jiġu adattati biex dan jiġi indirizzat b’mod xieraq.

(8)   

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, dawk il-Linji Gwida jenħtieġ li jiġu adattati kif stabbilit fil-punti (9) sa (15).

(9)   

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020 jenħtieġ li jiġu emendati kif ġej:

(a)

Fil-punt 18, tiżdied is-sentenza li jmiss:

“Dawn il-Linji Gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

(b)

Il-punti li ġejjin jiddaħħlu wara l-punt 178:

“178a.

Fid-dawl tal-iskadenza tal-validità tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali fil-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Settembru 2020 bl-intenzjoni tagħhom li jestendu l-validità tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali tagħhom.

178b.

Wara l-approvazzjoni tal-esternsjoni tal-mapep nazzjonali tal-għajnuna reġjonali sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-iskemi eżistenti approvati fuq il-bażi tal-Linji Gwida preżenti. Kwalunkwe estensjoni ta’ skemi bħal dawn trid jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni fi żmien xieraq qabel id-data tal-iskadenza tagħhom.”

(10)   

Fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, il-punt 174 jinbidel b’dan li ġej:

“174.

Il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kollha għall-finanzjament ta’ riskju li se tingħata mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(11)   

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 huma emendati kif ġej:

(a)

Fil-punt 16, tiżdied is-sentenza li jmiss:

“Dawn il-Linji Gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

(b)

Il-punt 108 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“108.

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2021. Madankollu, huma jenħtieġ li jippreparaw il-bażi biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Qafas tal-2030 (7). B’mod partikolari, huwa mistenni li matul il-perjodu bejn l-2020 u l-2030 sorsi ta’ enerġija rinnovabbli stabbiliti se jalimentaw il-grilja bi prezzijiet kompetittivi, bl-implikazzjoni li sussidji u eżenzjonijiet mir-responsabbiltajiet ta’ bbilanċjar jenħtieġ li jitneħħew gradwalment b’mod digressiv. Dawn il-Linji Gwida huma konsistenti ma’ dak l-objettiv u se jiżguraw it-tranżizzjoni lejn twassil kosteffikaċi permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq.”

(c)

Il-punt 246 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“246.

Dawn il-Linji Gwida se jiġu applikati mill-1 ta’ Lulju 2014 u jissostitwixxu l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali ppubblikati fl-1 ta’ April 2008. Huma se jkunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(d)

L-Anness 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

Il-punt 2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 3.7.2, l-Istati Membri jistgħu jużaw:

a)

il-medja aritmetika tal-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data tal-GVA;

b)

il-medja aritmetika ta’ sentejn magħżula mill-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data tal-GVA, dment li dan il-metodu jiġi applikat bl-istess mod għall-benefiċjarji kollha.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bidla minn kalkolu skont il-metodu a.) għall-metodu b.) ma tikkostitwix bidla notifikabbli.”

(ii)

Il-punt 5 huwa mibdul b’dan li ġej:

“5.

Għall-kalkolu tal-konsum tal-elettriku tal-impriża, għandhom jintużaw il-valuri referenzjarji għall-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku għall-industrija fejn disponibbli. Jekk mhux disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jużaw:

(a)

il-medja aritmetika tal-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data.

(b)

il-medja aritmetika ta’ sentejn magħżula mill-aktar tliet snin riċenti li għalihom hija disponibbli data, dment li dan il-metodu jiġi applikat bl-istess mod għall-benefiċjarji kollha.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bidla minn kalkolu skont il-metodu (a) għall-metodu (b) ma tikkostitwix bidla notifikabbli.”

(12)   

Fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, il-punt 135 jinbidel b’dan li ġej:

“135.

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-linji gwida b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2023”.

(13)   

Il-Komunikazzjoni — Il-Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-punt 10(a), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dawn il-Linji Gwida, madankollu, għandhom japplikaw għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”

(b)

Il-punt 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“50.

Din il-komunikazzjoni se tiġi applikata mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(14)   

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-assigurazzjoni ta’ tal-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.

F’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċertezza legali fit-trattament tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir, huwa meqjus xieraq li l-Komunikazzjoni attwali tiġi applikata sal-31 ta’ Diċembru 2021. Dan se jallinja d-data tal-iskadenza tagħha ma’ dik tal-maġġoranza tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat adottati skont il-programm għall-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.”

(b)

Il-punt 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli tapplika l-Komunikazzjoni attwali sal-31 ta’ Diċembru 2021.”

(15)   

Fil-Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, fil-punt 10 tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Dan il-Qafas, madankollu, għandu japplika għal impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.”


(1)  Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014–2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.)

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

(5)  Il-Komunikazzjoni ta-Kummissjoni — Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU C 188, 20.6.2014, p. 4).

(6)  ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.

(7)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030 (COM(2014) 15 final) tat-22.1.2014.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-7 ta' Lulju 2020

(2020/C 224/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1290

JPY

Yen Ġappuniż

121,61

DKK

Krona Daniża

7,4522

GBP

Lira Sterlina

0,90150

SEK

Krona Żvediża

10,4555

CHF

Frank Żvizzeru

1,0643

ISK

Krona Iżlandiża

157,00

NOK

Krona Norveġiża

10,6428

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,681

HUF

Forint Ungeriż

353,62

PLN

Zloty Pollakk

4,4683

RON

Leu Rumen

4,8393

TRY

Lira Turka

7,7508

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6261

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5317

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,7499

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7260

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5751

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 349,06

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

19,2908

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9287

HRK

Kuna Kroata

7,5490

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 302,76

MYR

Ringgit Malażjan

4,8259

PHP

Peso Filippin

55,892

RUB

Rouble Russu

80,8888

THB

Baht Tajlandiż

35,262

BRL

Real Brażiljan

6,0701

MXN

Peso Messikan

25,4764

INR

Rupi Indjan

84,4645


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/6


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta’ April 2020 dwar abbozz ta’ deċiżjoni preliminari b’rabta mal-Każ M.9409 — Aurubis/Metallo Group Holding

Relatur: Il-Kroazja

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 224/04)

Operazzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-Tranżazzjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Id-Dimensjoni tal-Unjoni

2.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-Tranżazzjoni għandha dimensjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Swieq tal-Prodotti

3.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott rilevanti għax-xiri tar-ruttam tar-ram għat-tidwib u l-irfinar (CSSR).

4.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott rilevanti għax-xiri tar-ruttam tar-ram Nru 2.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott relevanti għall-katodi tar-ram.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott relevanti għall-vireg tar-ram.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott rilevanti għall-forom tar-ram.

Is-swieq ġeografiċi

8.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq ġeografiku rilevanti għax-xiri tar-ruttam tar-ram għat-tidwib u l-irfinar (CSSR) bħala madwar iż-ŻEE kollha.

9.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq ġeografiku rilevanti għax-xiri tar-ruttam tar-ram Nru 2 bħala madwar iż-ŻEE kollha.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-suq ġeografiku relevanti għall-katodi tar-ram bħala globali.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni li d-definizzjoni tas-suq ġeografiku għall-vireg tar-ram titħalla miftuħa.

12.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mad-definizzjoni tal-Kummissjoni li d-definizzjoni tas-suq ġeografiku għall-forom tar-ram titħalla miftuħa.

Valutazzjoni Kompetittiva

13.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-Tranżazzjoni, kif notifikata ma timpedixxix b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effikaċi fir-rigward tal-effetti orizzontali mhux koordinati fi:

a.

Is-suq għax-xiri tas-CSSR fiż-ŻEE;

b.

Is-suq għax-xiri tar-ruttam tar-ram Nru 2 fiż-ŻEE.

14.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li t-Tranżazzjoni, kif notifikata, ma timpedixxix b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effikaċi fir-rigward tal-effetti vertikali mhux koordinati.

15.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li Aurubis u Metallo mhumiex probabbli li jkollhom l-abbiltà u l-inċentiv biex jinvolvu ruħhom f’esklużjoni ta’ dħul wara t-Tranżazzjoni fi kwalunkwe suq plawżibbli.

16.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li Aurubis u Metallo x’aktarx ma jkollhomx il-kapaċità u l-inċentiv li jinvolvu ruħhom f’esklużjoni ta’ wara t-Tranżazzjoni fi kwalunkwe suq plawżibbli.

Kompatibilità mas-Suq Intern

17.

Il-Kumitat Konsultattiv (10 Stati Membri) jaqbel mal-Kummissjoni li t-Tranżazzjoni, kif notifikata, jenħtieġ li tiġi għalhekk iddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-ftehim taż-ŻEE.

8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/8


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ M.9409 — Aurubis/Metallo Group Holding

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 224/05)

1.   

Fl-14 ta’ Ottubru 2019 (2), il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta li permezz tagħha Aurubis AG (“Aurubis”) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (3) (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), il-kontroll sħiħ ta’ Metallo Group Holding N.V. (“Metallo”) (it-“Tranżazzjoni Proposta”). Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, Aurubis u Metallo huma flimkien imsejħa “il-Partijiet”.

2.   

Fid-19 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tniedi proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

3.   

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, wara talba minn Aurubis, ingħatat estensjoni ta’ 10 jiem ta’ xogħol skont l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza, tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.   

Fil-11 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (“DO”). Id-DO ġiet innotifikata formalment lil Aurubis fit-12 ta’ Frar 2020 (4) u Aurubis ingħatat skadenza biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha sal-25 ta’ Frar 2020. Fl-istess jum, Metallo ġiet infurmata dwar l-adozzjoni tad-DO u dwar il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwarha skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (5).

5.   

Bejn it-12 u l-24 ta’ Frar 2020, Aurubis kisbet aċċess għad-dokumenti aċċessibbli fil-fajl tal-Kummissjoni kif ukoll permezz ta’ kamra tad-data (6), li kienet organizzata fil-bini tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (id-“DĠ Kompetizzjoni”). Jien ma rċevejt l-ebda ilment jew talba ulterjuri mingħand il-Partijiet rigward l-aċċess għall-fajl.

6.   

Fl-24 ta’ Frar 2020, impriża waħda ġiet ammessa biex tinstema’ bħala persuna terza interessata f’dan il-każ. Il-persuna terza interessata ma talbitx jew ma indikatx li kienet tkun interessata li tattendi s-seduta orali. Il-persuna terza interessata ngħatat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO u ingħatat żmien li fih setgħat tgħarraf il-fehmiet tagħha.

7.   

Fil-25 ta’ Frar 2020, il-Partijiet ippreżentaw il-kummenti bil-miktub tagħhom dwar id-DO, skont l-iskadenza għal rispons sa din id-data mogħtija lil Aurubis. Il-partijiet talbu smigħ orali formali.

8.   

Fit-2 ta’ Marzu 2020, saret is-seduta orali formali. Ma kienx hemm problemi proċedurali jew ilmenti li tqajmu fir-rigward tas-seduta.

9.   

Fl-10 ta’ Marzu 2020, ingħatat estensjoni ta’ 10 ijiem ta’ xogħol skont l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

10.   

L-abbozz tad-deċiżjoni bla kundizzjonijiet jiddikjara t-Tranżazzjoni Proposta bħala kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

11.   

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nikkunsidra li f’dan il-każ, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rispettat.

Brussell, it-22 ta’ April 2020.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Din tikkonċerna notifika mill-ġdid minn Aurubis tat-Tranżazzjoni Proposta, wara notifika inizjali fit-30 ta’ Awwissu 2019 li ġiet irtirata minnha fil-25 ta’ Settembru 2019.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(4)  Fil-11 ta’ Frar 2020 filgħaxija, intbagħtet kopja ta’ informazzjoni bil-quddiem (informali) tad-DO u tal-ittra ta’ akkumpanjament tagħha lill-avukati ta’ Aurubis.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Fid-19 ta’ Frar 2020, kien hemm konsulent estern ta’ Metallo li ngħata aċċess għall-kamra tad-data.


8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/10


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-4 ta’ Mejju 2020

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.9409 — Aurubis/Metallo Group Holding)

(notifikat bid-dokument C(2020) 2752)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 224/06)

Fl-4 ta’ Mejju 2020 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1) , u partikolarment l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/index.cfm?clear=1&policy_area_id=2

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Aurubis hija fornitur integrat vertikalment ta’ metalli mhux ferrużi u l-attur ewlieni fl-industrija tar-ram fl-Ewropa. In-negozju ewlieni ta’ Aurubis huwa l-produzzjoni ta’ katodi tar-ram kemm minn konċentrat ta’ ram imminat kif ukoll minn ruttam tar-ram.

(2)

Il-katodi tar-ram huma l-prodott standard tar-ram innegozjat fuq il-Borża tal-Metall ta’ Londra. Aurubis hija preżenti wkoll fi stadji ulterjuri tal-katina tal-valur tar-ram. Din tipproċessa katodi tar-ram f’vireg u forom tal-wajer. Dawn tal-aħħar huma prodotti intermedjarji użati għall-produzzjoni ta’ prodotti rrumblati ċatti li Aurubis tipproduċi wkoll.

(3)

Metallo, bil-kwartieri ġenerali fil-Belġju, tipproċessa u tirfina metalli mhux tal-ħadid, inkluż l-aktar ir-ram. Metallo hija speċjalizzata fir-riċiklaġġ u r-raffinar ta’ grad baxx u fil-biċċa l-kbira tiegħu kumpless ħafna ta’ ruttam tar-ram, li jivvalorizza disa’ tipi differenti ta’ metalli (ram, landa, ċomb), prodotti tal-metall (ossidu taż-żingu, niċeċ tan-nikel, tajn oħxon) u minerali. Ir-ram jammonta għall-akbar sehem tal-output ta’ Metallo f’metalli raffinati u prodotti tal-metall.

(4)

Metallo hija raffinatur tar-ram sekondarju pur, (2) jiġifieri tuża biss ruttam tar-ram bħala input għall-operazzjonijiet ta’ raffinar tagħha. Hija għandha żewġ impjanti ta’ riċiklaġġ u raffinar, wieħed f’Beerse, il-Belġju u wieħed f’Berango, Spanja. Metallo hija waħda mill-aktar parteċipanti teknoloġikament avvanzati fid-dinja għall-ipproċessar ta’ skart ta’ grad baxx u kumpless.

II.   L-OPERAZZJONI

(5)

Fit-30 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (3) (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet) li permezz tagħha Aurubis għandha l-intenzjoni li takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-kontroll sħiħ ta’ Metallo, permezz tax-xiri ta’ ishma (4) (minn issa ’l quddiem “it-Tranżazzjoni”). Minn hawn ’il quddiem Aurubis u Metallo huma msejħa bħala “il-Partijiet”. L-entità li tirriżulta mit-Tranżazzjoni minn hawn ’il quddiem hija msejħa l-“entità fuża”.

(6)

Wara investigazzjoni inizjali tal-Fażi I, fil-25 ta’ Settembru 2019, Aurubis irtirat in-notifika.

(7)

Il-każ ġie nnotifikat mill-ġdid fl-14 ta’ Ottubru 2019.

(8)

It-tranżazzjoni għandha dimensjoni tal-Unjoni peress li ntlaħqu l-limiti tal-fatturat stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(9)

Fit-11 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”), fejn waslet għall-opinjoni preliminari li t-Tranżazzjoni x’aktarx timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern fir-rigward tas-suq tax-xiri tar-Ruttam tar-Ram għat-Tidwib u r-Raffinar (“CSSR” - Copper Scrap for Smelting and Refining) fiż-ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet minħabba (i) it-tneħħija ta’ kompetitur importanti għax-xiri tas-CSSR fiż-ŻEE u (ii) il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti għal Aurubis għax-xiri tas-CSSR fiż-ŻEE.

III.   SOMMARJU

(10)

L-investigazzjoni tas-suq fil-Fażi II żvelat li t-Tranżazzjoni ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern fir-rigward tas-suq tax-xiri tas-CSSR fiż-ŻEE. Bl-istess mod, ma nstab l-ebda impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fir-rigward tar-ruttam tar-ram Nru 2 jew fir-rigward ta’ relazzjonijiet vertikali bejn il-Partijiet.

(11)

Għalhekk, it-Tranżazzjoni hija ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE u għalhekk, fl-4 ta’ Mejju 2020 ġiet adottata deċiżjoni ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

IV.   MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

A.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI

(12)

It-tranżazzjoni tikkonċerna x-xiri u r-raffinar tar-ruttam tar-ram. Ir-ruttam tar-ram jista’ ġeneralment jinqasam f’ruttam tar-ram għar-raffinar (li jeħtieġ it-tidwib u r-raffinar minn raffinatur sekondarju) u r-ruttam tar-ram għal tidwib dirett (li jistga’ jerġa’ jiddewweb direttament minn utenti industrijali tar-ram). Ir-ruttam tar-ram għar-raffinar jiġi ttrattat biex jiġi rkuprat ir-ram u biex finalment jiġu prodotti katodi tar-ram.

(13)

Fi ħdan ir-ruttam tar-ram għar-raffinar, il-Partijiet għandhom pożizzjoni komuni fix-xiri tar-ruttam tar-ram għat-tidwib u r-raffinar (“CSSR”) u l-hekk imsejjaħ “ruttam tar-ram Nru 2”.

(14)

Kemm is-CSSR kif ukoll ir-ruttam tar-ram Nru 2 huma swieq ta’ prodotti separati, li huma distinti minn prodotti intermedji oħra użati għall-produzzjoni ta’ katodi tar-ram, bħal folji tar-ram u anodi tar-ram. Huma distinti wkoll mir-ruttam tar-ram għat-tidwib dirett.

(15)

Ir-ruttam tar-ram Nru 2 huwa kategorija ta’ ruttam tar-ram relattivament standardizzat, li huwa nnegozjat bħala komodità. Ir-ruttam tar-ram Nru 2 fih kontenut għoli ta’ ram u impuritajiet limitati biss. Sett kbir u varjat ta’ xerrejja għandhom domanda għar-ruttam tar-ram nru 2, inklużi r-raffinaturi tar-ram primarju u sekondarju, il-produtturi tal-ingotti u l-manifatturi ta’ prodotti nofshom lesti. Pereżempju, minbarra r-raffinaturi tar-ram sekondarju bħall-Partijiet, ir-raffineriji primarji jistgħu jixtru r-ruttam tar-ram nru 2 u jħalltuh bir-ram primarju għall-proċessi ta’ tidwib tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li fil-parti l-kbira tal-każijiet ir-ruttam tar-ram Nru 2 jeħtieġ proċess ta’ tidwib, f’xi każijiet ċerti manifatturi ta’ prodotti tar-ram nofshom lesti (bħal pereżempju vireg u prodotti rrumblati tar-ram) u ta’ lingotti ta’ ligi tar-ram huma kapaċi jdewwbu (jiġifieri mingħajr proċess ta’ raffinar) kwantità relattivament żgħira ta’ ruttam tar-ram nru 2.

(16)

Is-CSSR hija differenzjata ħafna u tinkludi firxa wiesgħa ta’ ruttam tar-ram mhux standardizzat, li jvarja minn inqas kumpless, bħal ċerti ruttam ta’ liga tar-ram u ruttam tal-ħadid tar-ram, għal materjali aktar kumplessi bħall-frazzjonijiet tal-metall mill-inċineraturi tal-iskart solidu muniċipali (irmied tal-qiegħ tal-inċineratur li fih ir-ram) jew residwi industrijali. Dawn il-materjali aktar kumplessi huma aktar diffiċli biex jiġu pproċessati.

(17)

Id-domanda għas-CSSR u għar-ruttam tar-ram Nru 2 tiġi primarjament mir-raffinaturi tar-ram sekondarju, iżda sa ċertu punt anke minn raffinaturi tar-ram primarju u xerrejja oħra bħal dawk li jagħmlu l-ingotti u manifatturi ta’ prodotti nofshom lesti.

(18)

It-Tranżazzjoni tagħti wkoll lok għal żewġ swieq affettwati vertikalment f’katodi tar-ram, vireg tar-ram u f’forom tar-ram. Metallo tipproduċi u tforni katodi tar-ram, li huma prodotti input tal-vireg tar-ram u forom tar-ram (prodotti minn Aurubis).

(19)

Il-katodi tar-ram jikkostitwixxu suq tal-prodott separat.

(20)

Il-vireg tar-ram u l-forom tar-ram huma żewġ swieq ta’ prodotti separati. Il-vireg tar-ram jintużaw tipikament għall-manifattura tal-kejbils u l-wajers, filwaqt li l-forom tar-ram jintużaw bħala materjal ta’ input għal prodotti rrumblati tar-ram.

B.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

(21)

L-evidenza tissuġġerixxi li s-suq ġeografiku għax-xiri kemm tas-CSSR kif ukoll tar-ruttam tar-ram Nru 2 huwa mifrux maż-ŻEE kollha fl-ambitu tiegħu.

(22)

Il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn iż-ŻEE u reġjuni oħra huma eteroġeni u l-prezzijiet tar-ruttam tar-ram ivarjaw minn reġjun għal ieħor tad-dinja, li jissuġġerixxi li l-arbitraġġ globali tal-prezzijiet mhuwiex effettiv.

(23)

F’konformità mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni u kkonfermata matul l-investigazzjoni tas-suq, is-suq ġeografiku tal-katodi tar-ram huwa globali.

(24)

Fir-rigward tas-swieq ġeografiċi kemm għall-vireg tar-ram kif ukoll għall-forom tar-ram, il-Kummissjoni sabet indikazzjoni kemm għal suq dinji kif ukoll għal dak taż-ŻEE kollha. Madankollu, għall-finijiet ta’ dan il-każ, jista’ jitħalla miftuħ jekk is-suq ġeografiku rilevanti huwiex globali jew mifrux maż-ŻEE minħabba li r-rabtiet vertikali bejn l-attivitajiet tal-Partijiet fuq dawn is-swieq tal-prodotti ma jirriżultawx f’impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni tas-suq ġeografika plawżibbli.

C.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

(25)

Filwaqt li fid-DO tagħha l-Kummissjoni esprimiet tħassib preliminari dwar is-suq tax-xiri tas-CSSR fiż-ŻEE, fid-dawl tas-sottomissjonijiet mill-Partijiet u evidenza ġdida, dan it-tħassib mhuwiex miżmum.

(26)

Fir-rigward tas-suq għax-xiri tar-ruttam tar-ram Nru 2, b’mod konsistenti mad-DO, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni.

(27)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk żieda fil-kapaċità tal-akkwist mill-entità fuża tirriżultax fi prezzijiet aktar baxxi mħallsa lill-fornituri tar-ruttam. Fil-kuntest tal-katina ta’ valur tar-ram ċirkolari, tali ħsara lill-fornituri tista’ tieħu forom differenti skont il-bejjiegħa tar-ruttam: (i) għal fornituri/bejjiegħa industrijali tar-ruttam tar-ram (li r-ruttam tagħhom huwa prodott sekondarju inevitabbli tal-proċess ta’ produzzjoni tagħhom), prezz aktar baxx għar-ruttam tagħhom ikun ekwivalenti għal żieda fil-prezz marġinali tagħhom, li x’aktarx twassal għal prezzijiet ogħla downstream għall-prodotti tagħhom; u (ii) fil-każ ta’ fornituri/bejjiegħa oħra tar-ruttam tar-ram bħal kolletturi, negozjanti u preproċessuri (li jiġbru u jipproċessaw minn qabel ir-ruttam li ma jkollux użu ieħor), prezz aktar baxx għar-ruttam tagħhom jista’ jbaxxi l-inċentivi u l-kapaċità tagħhom li jinvestu u jiġbru r-ruttam tar-ram.

1.   Effetti mhux koordinati orizzontali fis-suq taż-ŻEE għax-xiri tas-CSSR

(28)

Fid-DO tagħha, il-Kummissjoni b’mod preliminari sabet li l-entità fuża se jkollha sehem kombinat fl-2018 ta’ 40–50 % għas-CSSR kollha mibjugħa mill-fornituri bbażati fiż-ŻEE. Il-Partijiet b’mod preliminari tqiesu bħala kompetituri mill-qrib f’termini ta’ kapaċitajiet u imġiba ta’ xiri. L-iżbokki alternattivi effettivi għas-CSSR, li l-fornituri għandhom aċċess għalihom, b’mod preliminari kienu kkunsidrati limitati.

(29)

Fid-dawl tas-sottomissjonijiet tal-Partijiet b’reazzjoni għad-DO, aktar sottomissjonijiet bil-miktub u aktar evidenza mressqa minn Aurubis, il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tikkonkludi t-Tranżazzjoni ma twassalx għal effetti orizzontali mhux koordinati fis-suq taż-ŻEE għax-xiri tas-CSSR għar-raġunijiet spjegati hawn taħt.

(30)

Għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni sabet fuq bażi preliminari fid-DO, l-ishma tax-xiri kombinati tal-Partijiet huma moderati. Għalkemm Metallo għandha ishma ta’ xiri ta’ 10–20 %, u Aurubis ta’ 10–20 %, li jagħmilhom ix-xerrej numru 1 u numru 2 tas-CSSR fornut miż-ŻEE, is-sehem tax-xiri kombinat tagħhom fiż-ŻEE huwa moderat għal 20–30 %. Żewġ kompetituri tar-raffinar, Brixlegg u Boliden, għandhom rispettivament ishma ta’ xiri fiż-ŻEE ta’ 5–10 %, segwiti minn numru ta’ raffinaturi tar-ram oħra b’ishma ta’ 0–5 %.

(31)

Is-sehem tax-xiri kombinat aktar baxx tal-entità fuża mqabbel mal-valur ippreżentat fid-DO jirriżulta fil-parti l-kbira minn aġġustamenti magħmula għar-rikostruzzjoni tas-suq tal-Kummissjoni wara evidenza addizzjonali ppreżentata mill-Partijiet. Minħabba n-natura eteroġenja ħafna tas-CSSR, li mhijiex kategorija definita mill-industrija, kien hemm kategorizzazzjonijiet żbaljati tal-volumi. Ġiet ippreżentata wkoll data addizzjonali tal-Eurostat dwar l-esportazzjoni mill-partijiet, li tippermetti lill-Kummissjoni tikkoreġi l-valur tal-esportazzjonijiet.

(32)

Wara t-Tranżazzjoni, l-entità fuża se tkompli tkun ristretta minn għadd ta’ alternattivi effettivi li għalihom il-fornituri tas-CSSR se jkompli jkollhom aċċess. Fl-ewwel istanza, dawn huma raffinaturi tar-ram oħra fiż-ŻEE, li huma l-eqreb rivali għall-Partijiet. Aktar minn hekk, raffinaturi tar-ram mhux taż-ŻEE u xerrejja oħra mhux taż-ŻEE għandhom domanda sinifikanti għal materjali tas-CSSR. Fil-fatt, il-fornituri taż-ŻEE jesportaw 40–50 % tat-total tal-produzzjoni tas-CSSR tagħhom. L-esportazzjonijiet għalhekk jirrappreżentaw għażla alternattiva importanti għall-fornituri fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz taż-ŻEE u, bħala effett ta’ dan, restrizzjoni materjali fuq il-poter tal-akkwist tal-Partijiet. Barra minn hekk, il-produtturi tal-ingotti, il-manifatturi ta’ prodotti nofshom lesti u l-funderiji mhux tar-ram ukoll jixtru ċerti materjali tas-CSSR. Fl-aħħar nett, il-fornituri jidhru li huma kapaċi jnaqqsu s-saħħa tax-xerrej tal-Partijiet billi jinvolvu ruħhom fi prattiki bħat-titjib tas-CSSR għal prodotti oħra jew fl-istokkjar u t-tneħħija tal-istokkjar tas-CSSR biex jinkisbu prezzijiet aħjar.

(33)

Għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni sabet fuq bażi preliminari fid-DO, il-Partijiet ma jistgħux jitqiesu bħala kompetituri partikolarment qrib. Il-kapaċitajiet tekniċi tal-Partijiet huma fil-biċċa l-kbira komplementari f’termini ta’ metalli li jistgħu jirfinaw, jirkupraw u finalment ibigħu. Għalhekk, l-attivitajiet ta’ xiri tagħhom iwasslu wkoll għal komplementarjetà kbira. Bl-analiżi tal-fornituri tal-Partijiet jidher ukoll li l-għadd tagħhom ta’ fornituri li jikkoinċidu huwa limitat meta mqabbel man-numru totali ta’ fornituri tagħhom. Fl-aħħar nett, ċerti kompetituri jikkompetu mal-Partijiet f’termini tal-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħhom u l-imġiba tax-xiri tagħhom.

(34)

Filwaqt li hemm ostakli sinifikanti għad-dħul fir-ruttam tar-ram għar-raffinar, il-kapaċità u l-espansjonijiet tal-kapaċitajiet tal-atturi eżistenti jseħħu b’mod regolari. Dawn l-espansjonijiet jistgħu jkunu wkoll possibbli fil-każ ta’ tnaqqis sinifikanti fil-prezz għas-CSSR. Barra minn hekk, b’mod partikolari r-raffinaturi tar-ram attivi fi swieq ġirien tas-CSSR, bħal fis-suq tar-ruttam elettroniku (li prinċipalment huwa relatat mal-bordijiet ta’ ċirkwiti stampati u li bħalissa huwa ta’ marġni ogħla mis-CSSR), jistgħu jsibuha attraenti li jidħlu fir-raffinar tas-CSSR f’każ ta’ tnaqqis fil-prezz tas-CSSR wara t-Tranżazzjoni.

(35)

B’mod ġenerali, it-Tranżazzjoni x’aktarx li ma twassalx għal effett sinifikanti fuq il-prezz. Minn dawk il-fornituri li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq, inklużi l-fornituri li ma jbigħux ruttam lill-Partijiet, numru kbir esprimew tħassib dwar tnaqqis fil-prezz li bih qed jinxtara r-ruttam mill-Partijiet. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li ser ikunu disponibbli biżżejjed żbokki alternattivi effettivi għal dawn il-fornituri biex ibigħu r-ruttam tagħhom.

(36)

Barra minn hekk, il-Partijiet jistgħu jinfluwenzaw biss komponent ta’ prezz relattivament żgħir tar-ruttam tar-ram, jiġifieri l-hekk imsejħa tariffa tar-raffinar. Tnaqqis ta’ dan il-komponent tal-prezz ikollu effett żgħir fuq il-prezz ġenerali għar-ruttam tar-ram għaliex komponenti oħra tal-prezz, u notevolment il-prezz tar-ram ikkwotat fil-Borża tal-Metall ta’ Londra, huma ta’ xi ordnijiet ta’ kobor akbar mit-tariffi ta’ raffinar u tipikament ikollhom ċaqliq sinifkanti matul is-sena.

(37)

Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, kwalunkwe effett tal-prezz possibbilment jiġi bbilanċjat, tal-inqas parzjalment, mis-sinerġiji assoċjati mat-Tranżazzjoni.

(38)

Huwa improbabbli wkoll li t-Tranżazzjoni tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti ta’ inċentivi għall-fornituri biex jinvestu u jinnovaw fit-trattament u l-irkupru tal-metalli. Kapaċitajiet ta’ trattament tar-ruttam aħjar wara t-Tranżazzjoni jkunu applikabbli għal volum akbar ta’ xiri ta’ ruttam u għalhekk ikunu aktar attraenti li jiġu involuti.

(39)

Huwa improbabbli wkoll li t-Tranżazzjoni jkollha effett sinifikanti fuq il-ġbir tas-CSSR. Il-provvista minn fornituri industrijali tas-CSSR fi kwalunkwe xejn mhi elastika, peress li dawn il-parteċipanti tas-suq jiġġeneraw is-CSSR fi proporzjon fiss għall-prodotti li fihom ir-ram tagħhom iktar ’l isfel fil-katina (u jimminimizzaw ir-ruttam tagħhom irrispettivament mit-Tranżazzjoni, minħabba li r-ruttam jirrappreżenta tnaqqis fil-produttività). In-negozjanti, il-kolletturi u l-preproċessuri probabbilment mhux se jnaqqsu l-ġbir tagħhom, peress li jistgħu jew jevitaw kwalunkwe effett tal-prezz billi jgħadduh tul il-katina tal-valur tar-ram, jew għaliex, kif issottomettew matul l-investigazzjoni tas-suq, l-inċentivi tagħhom wara t-Tranżazzjoni biex jinġabar l-iskart ma jinbidlux.

(40)

Element importanti ieħor fl-analiżi tat-Tranżazzjoni huwa l-inċentivi limitati tal-entità fuża biex tnaqqas ix-xiri tas-CSSR tagħha minħabba l-ispejjeż għoljin assoċjati mal-operat b’kapaċità anqas minn dik massima. Fil-fatt, minħabba l-ispejjeż fissi għoljin ħafna tagħha, raffinerija tar-ram teħtieġ li taħdem b’mod kostanti b’kapaċità sħiħa sabiex tkun kosteffettiva. Għalhekk, kwalunkwe tentattiv tal-entità fuża biex tnaqqas il-provvista tar-ruttam tirriżulta fi spejjeż ogħla mhux affordabbli. Għalhekk, it-Tranżazzjoni x’aktarx li ma tirriżultax fi tnaqqis fil-produzzjoni.

2.   Effetti mhux koordinati orizzontali fis-suq taż-ŻEE għax-xiri tar-ruttam tar-ram nru.2

(41)

Fid-DO tagħha, il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda tħassib preliminari fir-rigward tas-suq tar-ruttam tar-ram nru 2. Minkejja s-sehem tax-xiri kombinat relattivament kbir mill-Partijiet ta’ ruttam tar-ram nru 2 miksub miż-ŻEE, għadd kbir ta’ alternattivi effettivi għall-Partijiet se jibqgħu disponibbli wara t-Tranżazzjoni kemm ġewwa kif ukoll barra ż-ŻEE. Dan huwa aktar u aktar il-każ milli fil-każ tas-CSSR — l-aktar minħabba li r-ruttam tar-ram Nru 2 huwa tip ta’ ruttam li sar komodità u l-kapaċitajiet teknoloġiċi meħtieġa biex dan jiġi raffinat effettivament huma posseduti kemm mir-raffinaturi tar-ram sekondarju kif ukoll mir-raffinaturi tar-ram primarju pur (li primarjament jipproċessaw il-konċentrat tar-ram u jużaw ruttam tar-ram addizzjonali nru. 2 għall-kontroll tal-proċessi ta’ raffinar tagħhom).

(42)

Metallo żżid 5–10 % għas-sehem tax-xiri tal-2018 ta’ Aurubis ta’ ruttam tar-ram Nru 2 li kien ta’ 30–40 % miksub miż-ŻEE. L-entità fuża jkollha sehem tax-xiri ta’ 30–40 %. Il-kompetituri ta’ raffinar taż-ŻEE Brixlegg u KGHM isegwu b’ 5–10 % kull wieħed, segwiti minn raffinaturi ulterjuri taż-ŻEE. L-esportazzjonijiet jammontaw għal 39 %.

(43)

Qabel it-Tranżazzjoni, Metallo mhijiex forza kompetittiva qawwija fix-xiri tar-ruttam tar-ram Nru 2, minħabba li ma tiffokax fuq dan ir-ruttam.

(44)

Wara t-Tranżazzjoni, se jibqa’ jkun hemm numru kbir ta’ xerrejja tar-ruttam tar-ram Nru 2. L-ewwel nett, ħafna raffinaturi tar-ram kemm ġewwa kif ukoll barra ż-ŻEE jixtru u jittrattaw ir-ruttam tar-ram nru 2, irrispettivament minn jekk l-enfasi tagħhom hijiex prinċipalment fuq l-irkupru sekondarju jew primarju tar-ram. Dawn ir-raffinaturi tar-ram għandhom kapaċitajiet teknoloġiċi komparabbli ħafna biex jittrattaw b’mod effettiv ir-ruttam tar-ram Nru 2. It-tieni, minbarra dawn il-kompetituri tar-raffinar, numru sinifikanti ta’ xerrejja oħra jikkompetu għar-ruttam tar-ram nru 2. B’mod partikolari l-manifatturi ta’ prodotti nofshom lesti jistgħu jużaw ċerti materjali tar-ruttam Nru 2 fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, huwa possibbli (għall-fornituri) li jkomplu jittrattaw ir-ruttam tar-ram nru 2 biex jitneħħew saħansitra aktar impuritajiet u b’hekk il-materjal isir attraenti għal grupp saħansitra akbar ta’ xerrejja potenzjali.

(45)

Il-kapaċità li jiġi esportat ruttam tar-ram Nru 2 miż-ŻEE (jew għal fornituri iżgħar biex ibigħu r-ruttam tar-ram Nru 2 lil kummerċjant akbar li huwa kapaċi li jesportah barra miż-ŻEE) hija restrizzjoni sinifikanti fuq il-Partijiet (u fuq raffinaturi tar-ram taż-ŻEE b’mod aktar ġenerali). Ir-ruttam tar-ram Nru 2 huwa kategorija rikonoxxuta internazzjonalment tar-ruttam tar-ram li ġeneralment ma tkunx teħtieġ testijiet. Minħabba din il-karatteristika tal-komodità, hija aktar faċilment negozjabbli minn kategoriji oħra ta’ ruttam tar-ram, li huma aktar differenzjati. Domanda dejjem tikber għall-unitajiet tar-ram, flimkien ma’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni għal materjali ta’ grad aktar baxx fiċ-Ċina, tirriżulta f’opportunitajiet sinifikanti ta’ esportazzjoni attwali u futuri.

(46)

Il-maġġoranza tal-fornituri jistennew li t-Tranżazzjoni twassal għal tariffi ogħla tar-raffinar għar-ruttam tar-ram nru 2. Madankollu, il-fornituri jissottomettu wkoll li jkollhom aċċess għal żbokki alternattivi għar-ruttam tar-ram nru 2. Barra minn hekk, anki l-Partijiet jirrikonoxxu li r-ruttam tar-ram Nru 2 huwa prodott li sar komodità, ikkummerċjalizzat globalment. Għalhekk, huwa probabbli li l-fornituri jistgħu jevitaw effett ta’ prezz.

(47)

Kompetitur tal-Partijiet esprima t-tħassib tiegħu li wara t-Tranżazzjoni l-entità fuża kienet se tbaxxi l-imposti ta’ raffinar tagħha (jiġifieri, tħallas aktar għar-ruttam tar-ram nru 2), u b’hekk teskludih milli jbigħ ir-ruttam tar-ram Nru 2, li huwa għandu bżonn biex jipproduċi l-katodi tar-ram tiegħu. Madankollu, huwa improbabbli ħafna li l-entità fuża tinvolvi ruħha f’tali prattika. Il-ħlas ogħla għar-ruttam tar-ram Nru 2 ikun raġonevoli biss jekk ikunu jistgħu jinxtraw kwantitajiet akbar. Madankollu, iż-żewġ Partijiet għandhom biss kapaċità limitata li jittrattaw kwantitajiet akbar.

3.   Effetti vertikali mhux koordinati fir-rigward tas-swieq tal-vireg tar-ram u għall-forom tar-ram

(48)

Il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda tħassib fir-rigward tal-effetti vertikali mhux koordinati b’rabta mal-katodi tar-ram, vireg tar-ram u għall-forom tar-ram fid-DO tagħha.

(49)

Abbażi tal-ishma żgħar ħafna tas-suq ta’ Metallo u Aurubis upstream fil-bejgħ ta’ ram raffinat fuq livell dinji ta’ 5–10 % taħt kwalunkwe delinjazzjoni plawżibbli tas-suq tal-prodott kif ukoll feedback ċar riċevut matul l-investigazzjoni tas-suq, huwa improbabbli li l-entità fuża jkollha l-kapaċità li tinvolvi ruħha fi kwalunkwe strateġija ta’ esklużjoni (la input u lanqas esklużjoni tal-klijenti) wara t-Tranżazzjoni.

V.   KONKLUŻJONI

(50)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhijiex se xxekkel il-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’xi parti sostanzjali minnu b’mod sinifikanti.

(51)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-Suq Intern u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE, b’konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Ir-raffinaturi sekondarji jużaw biss ruttam tar-ram (imsejjaħ ukoll ram sekondarju) bħala materjal ta’ input għall-produzzjoni tal-metall tar-ram. Ir-raffinaturi primarji jużaw il-konċentrati tar-ram mill-minjieri (imsejjaħ ukoll ir-ram primarju) bħala materjal ta’ input.

(3)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) introduċa xi tibdil, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’ “Unjoni” u “suq komuni” b’ “suq intern”. Tul din id-deċiżjoni kollha se tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.

(4)  Pubblikazzjoni fil-ĠU C 356, 21.10.2019, p. 7.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/16


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 224/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

MOLLETE DE ANTEQUER A

Nru tal-UE: PGI-ES-02393 — 23.2.2018

DOP () IĠP (X)

1.   Isem

“Mollete de Antequera”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara;

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Mollete de Antequera” hija tip ta’ ħobż li toriġina miż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4. Magħmula mid-dqiq tal-qamħ u b’kontenut għoli ta’ umdità u bi lbieba ratba, din tinħema għal żmien qasir. Il-forma stramba tagħha hija rregolari u ellittika fil-qiegħ. Hija ċatta u rqiqa fil-volum, bi trab fin tad-dqiq li minnu hija magħmula.

In-nuħħala tal-qamħ tista’ tiżdied mad-dqiq waqt il-produzzjoni.

Il-prodott jiġi ppakkjat frisk, iffriżat/iffriżat soptu jew f’atmosfera protettiva.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Mollete de Antequera” huma definiti mid-deskritturi fiżiko-kimiċi u organolettiċi li ġejjin:

(a)   Forma u formati

Il-prodott jiġi fi tliet formati skont il-piż tiegħu:

Mollete: 100 sa 150 gramma.

“Mollete” medja: 55 sa 99 gramma.

“Mollete” żgħira anqas minn 55 gramma.

Il-forma tipika tal-prodott għandha tinżamm fil-formati kollha. Dan huwa definit mill-proporzjon bejn l-assi tal-ellissi ffurmata mill-qiegħ tal-oġġett (“a” li tkun l-assi ewlenija u “b” li tkun dik minuri) u mill-għoli (z) definit skont il-proporzjon z/(a * b). Il-valuri medji u l-limiti ta’ tolleranza huma ddefiniti fit-tabella li ġejja:

 

Proporzjon a/b  (*1)

Proporzjon z/(a * b)  (*1)

Format

Valur medju

Limitu ta’ tolleranza

Valur medju (x10-3)

Limitu ta’ tolleranza

Mollete

1,58

±15 %

2,15

±25 %

“Mollete” medja

1,44

±15 %

2,95

±25 %

“Mollete” żgħira

1,21

±15 %

6,10

±25 %

(b)   Konsistenza

Il-“Mollete de Antequera” għandha konsistenza karatteristika ta’ sponża.

Il-valuri massimi tal-forza ta’ deformazzjoni fuq il-volum tal-oġġett għandhom ikunu kif ġej għat-tipi u l-formati kollha:

Formati friski: 3 500 g.

Formati friski li fihom in-nuħħala: 4 500 g.

Formati ffriżati/iffriżati soptu: 5 000 g.

Formati f’atmosfera protettiva: 6 500 g.

Il-valuri massimi għall-konsistenza tal-“Mollete de Antequera” huma stabbiliti għall-ħajja kollha tal-prodott fuq l-ixkaffa.

(c)   Alveoli tal-lbieba

Il-lbieba għandha struttura ta’ alveoli doppji. Minn naħa, hemm alveoli tondi ħafna u ffurmati sew b’dijametru ta’ anqas minn 5 mm, li huma mqassma b’mod ugwali fil-ħobża. Min-naħa l-oħra u kemm kemm anqas, hemm alveoli akbar li għandhom forma irregolari, ta’ anqas minn 15-il mm u mqassma b’mod inugwali.

(d)   Umdità

Il-kontenut tal-umdità tal-ħobża huwa deċiżiv għall-kwalità tagħha, li jvarja bejn 32 u 45 %.

(e)   Deskritturi organolettiċi

Il-profil sensorjali tal-format frisk tal-“Mollete de Antequera” huwa definit kif ġej:

Il-kulur tal-qoxra huwa abjad fl-avorju bi ħjiel żgħir ta’ vanilla. Din tista’ tkun kemxejn aktar mixwija fuq jew taħt it-truf, bit-trab fin tad-dqiq li jintuża biex issir il-ħobża. Il-qoxra tinħass ratba, hija fina, elastika u ftit li xejn titfarrak. L-intensità tal-aroma hija medja sa għolja, b’noti prevalenti ta’ ħmira u għaġina. Il-kulur tal-lbieba huwa bajdani ukoll iżda bi lwien li jagħtu kemxejn fl-isfar. Din tidher u tinħass bħal sponża. Fil-ħalq tarija ħafna, b’togħma kemxejn aċiduża u b’aromi li għal darb’oħra jinkludu noti ta’ ħmira, għaġina u dqiq. It-togħma li tħalli hija pjaċevoli b’persistenza medja sa baxxa u hija prodott ibbilanċjat ħafna mill-perspettiva organolettika.

Il-verżjoni li fiha n-nuħħala tal-“Mollete de Antequera” tvarja sa ċertu punt f’termini tal-kulur u l-aroma tal-qoxra u l-lbieba, minħabba n-nuħħala li tiżdied mat-taħlita. Il-kulur tal-qoxra huwa kemxejn skur, u hija mżewqa bin-nuħħala u bit-trab fin tad-dqiq li jintuża biex isir il-prodott. Il-konsistenza tal-qoxra hija kemxejn aktar ħarxa iżda żżomm l-irtubija li hija tant karatteristika ta’ dan il-prodott. Il-kulur tal-lbieba huwa kannella ċar li jagħti għal kulur il-krema u l-konsistenza tagħha tarija, tixbah lil sponża u ratba. Fil-ħalq, it-togħma ħafifa u aċiduża b’mod sottili, b’togħma kemxejn morra li toħroġ meta wieħed jibda jomgħod u bi ħjiel tan-nuħħala li tintuża biex issir il-“Mollete de Antequera”. L-aroma (taċ-ċereali, tal-fibra, tal-qamħ u tal-ħmira) hija intensa u persistenti ħafna, u hija r-raġuni għala l-“Mollete de Antequera” tikseb punti tant għoljin għall-kwalitajiet sensorjali tagħha.

Fil-każ tal-prodott iffriżat/iffriżat soptu, il-parametri fiżiko-kimiċi u organolettiċi kollha għandhom jitkejlu wara li dan jiġi ddefrostjat. Il-valuri ta’ dawk il-parametri huma l-istess bħal dawk li ġew stabbiliti għall-prodott frisk, bl-eċċezzjoni tal-konsistenza, li għandha tkun konformi mal-limiti stipulati.

Il-materja prima hija dqiq tal-qamħ b’livell baxx ta’ glutina (W) (bejn 110 u 170 x 10-4 joules) bi proporzjon bejn ir-reżistenza għat-tiġbid u l-estendibbiltà tal-għaġina (P/L) ta’ bejn 0,25 u 0,65, ilma, melħ tal-baħar u ħmira organika. Għall-konvenjenza, l-għaġina li tkun tħalliet tiffermenta tista’ tintuża bħala sostitut/flimkien mal-ħmira organika.

Tista’ tiżdied in-nuħħala tal-qamħ, b’doża minima ta’ 3,8 % p/p tal-għaġina tal-ħami u sakemm il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi indikati fil-punt 3.2 jinżammu fi ħdan il-meded speċifikati għad-diversi formati.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima hija dqiq tal-qamħ b’livell baxx ta’ glutina (W) (bejn 110 u 170 x 10-4 joules) bi proporzjon bejn ir-reżistenza għat-tiġbid u l-estendibbiltà tal-għaġina (P/L) ta’ bejn 0,25 u 0,65, ilma, melħ tal-baħar u ħmira organika. Għall-konvenjenza, l-għaġina li tkun tħalliet tiffermenta tista’ tintuża bħala sostitut/flimkien mal-ħmira organika.

Tista’ tiżdied in-nuħħala tal-qamħ, b’doża minima ta’ 3,8 % p/p tal-għaġina tal-ħami u sakemm il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi indikati fil-punt 3.2 jinżammu fi ħdan il-meded speċifikati għad-diversi formati.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-prodott għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita sabiex tiġi salvagwardjata l-kwalità speċifika ta’ dan il-prodott delikat. Il-proċess tal-produzzjoni jikkonsisti fl-istadji li ġejjin, li huma elenkati fl-istess ordni li dawn jitwettqu fiha: it-tagħġin, l-għaġna titħalla toqgħod sħiħa, l-għaġina tinqasam, l-għaġina tintiżen u tiġi ffurmata fi blalen, il-blalen tal-għaġina jitħallew joqogħdu, l-għaġina tiġi ffurmata f’biċċiet individwali, l-għaġina titħalla togħla, it-tisjir, it-tkessiħ jew l-ittemprar.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Molletes de Antequera” friski għandhom jiġu ppakkjati bħala parti mill-proċess tal-produzzjoni u fl-istess faċilitajiet fejn jinħmew. L-ewwel iridu jgħaddu minn proċess biex it-temperatura tagħhom tinżel għal anqas minn 38 °C. L-iffriżar/iffriżar soptu tal-“Molletes de Antequera” għandu jitwettaq bħala parti mil-linja ta’ produzzjoni, immedjatament wara l-ippakkjar, sabiex jiġi żgurat li l-karatteristiċi speċifiċi tal-“Mollete de Antequera” jinżammu fil-post tal-produzzjoni. Ir-raġuni ewlenija għalfejn il-prodott għandu jiġi ppakkjat fil-post tal-produzzjoni hija biex jinżammu l-livelli għoljin ta’ umdità tal-prodott magħmul frisk bejn 32 % u 45 % minħabba li dan huwa kruċjali biex jinżammu l-karatteristiċi tal-“Mollete de Antequera” (konsistenza, aromi, eċċ.). Il-prodott mhux ippakkjat jista’ jitlef ammont sinifikanti tal-umdità oriġinali tiegħu.

Irrispettivament minn jekk il-prodott huwiex frisk, iffriżat/iffriżat soptu jew ippakkjat f’atmosfera protettiva, dan għandu dejjem jiġi ppreżentat f’forma ppakkjata, bil-għan li tinżamm il-kwalità tiegħu mill-post tal-produzzjoni u tiġi żgurata t-traċċabbiltà tiegħu. Dan ir-rekwiżit japplika kemm għall-bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll għall-bejjiegħa bl-imnut fis-sit tal-produzzjoni.

Il-prodott frisk għandu dejjem jiġi ppakkjat f’rita protettiva tal-plastik jew f’materjal simili tajjeb għal mal-ikel li huwa semipermeabbli għall-ossiġnu.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-kliem “Mollete de Antequera” u “Indicación Geográfica Protegida” u/jew il-logo tal-IĠP “Mollete de Antequera” għandhom jintwerew b’mod prominenti fuq it-tikketti u l-ippakkjar kummerċjali użati għall-“Mollete de Antequera”.

Image 1

Jekk il-prodott ikun fih in-nuħħala tal-qamħ, bħala parti mill-kompożizzjoni tiegħu, il-kliem “con salvado” (fih in-nuħħala) għandu jitniżżel fuq it-tikketta. Għandu jiġi speċifikat ukoll il-format tal-“Mollete de Antequera”.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-“Mollete de Antequera” tiġi prodotta u ppakkjata fi ħdan il-limiti muniċipali ta’ Antequera u Fuente de Piedra, li t-tnejn jagħmlu parti mill-provinċja ta’ Málaga.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-bażi għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Mollete de Antequera” hija r-reputazzjoni tagħha.

L-oriġini remota tal-“Mollete de Antequera” tista’ tmur lura għall-ħobż ażżmu kemxejn moħmi u b’livell baxx ta’ ħmira magħmul mil-Lhud u mill-Għarab f’Al-Andalus fis-sekli 12 u 13. Madankollu, l-oriġini etimoloġika tat-terminu “mollete” ġejja mill-Ispanjol Kastiljan (“muelle” li tfisser artab) u tirreferi għall-konsistenza ratba u qisha sponża li hija karatteristika ta’ dan it-tip ta’ ħobż.

L-użu tat-terminu “mollete” u t-tradizzjoni tal-produzzjoni baqgħu persistenti biss fi ftit distretti ta’ Andalusia, forsi minħabba l-influwenza akbar tal-kultura ta’ Al-Andalus f’dan ir-reġjun. Min-nofs is-seklu 20 ’il quddiem, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tagħha fuq skala kbira ġew ikkonsolidati f’Antequera. F’dan ir-rigward, Lorenzo Díaz isemmi l-muniċipalità ta’ Antequera fil-ktieb tiegħu Diez Siglos de Cocina en Madrid (Għaxar Sekli ta’ Tisjir f’Madrid) (1994) bħala waħda mill-aħħar fortizzi li fadal ta’ tradizzjoni Għarbija fin-Nofsinhar ta’ Spanja (Granada, Málaga u Almería) fejn it-terminu Kastiljan “mollete” baqa’ jintuża.

Ir-rekords li dan il-prodott “Mollete de Antequera” jiġi mmanifatturat u jittiekel f’din il-belt fil-provinċja ta’ Málaga jmorru lura għal tal-anqas l-1539, bħala riċetta tal-familja li turi l-“mollete” bħala l-element ewlieni li nstabet f’volum gastronomiku magħruf bħala l-“Ktieb ta’ María Enríque z”, li huwa parti mill-Arkivju tal-Marquis de la Vega de Santa María. Dan id-dokument - li jinsab fl-Arkivju Muniċipali Storiku ta’ Antequera - isemmi diversi termini gastronomiċi, u dawk ewlenin huma d-dqiq, il-ħalib u l-bajd, taħt l-isem “molletes reales” (ħobż ażżmu rjali).

L-eqdem referenza kummerċjali fid-dokumentazzjoni tal-“mollete” li qed issir f’Antequera tinsab f’Rekord Kapitulari tad-19 ta’ Ottubru 1775, li fih ċertu Manuel Esbri ngħata permess li “jagħġen ħobż Franċiż u “molletes” ...u jiżgura li ż-żewġ tipi jkunu ta’ kwalità tajba u ta’ piż ġust”.

Il-muniċipalità ta’ Fuente de Piedra, li hija inkluża fiż-żona fejn issir il-“Mollete de Antequera”, kienet l-aħħar muniċipalità li akkwistat l-indipendenza minn Antequera fl-1838 (Muñoz Hidalgo u García Cañero, 1983: L-Arkivju Storiku ta’ Antequera) u l-istess tradizzjoni tal-produzzjoni nżammet hemmhekk.

Għalkemm ma hemm l-ebda rekord dokumentat dwar il-produzzjoni tal-“Mollete de Antequera” fis-seklu 19, il-furnar tas-sengħa Juan Paradas Pérez minn Antequera ddedika parti mill-operazzjonijiet tiegħu biex jerġa’ jġib lura l-manifattura tal-“Mollete de Antequera” fl-1939. Il-prodotti “Mollete de Antequera” magħmula minn Paradas saru famużi kif mistħoqq u kienu f’domanda għolja f’Antequera fis-snin erbgħin u ħamsin. Din ir-riċetta biex issir il-“Mollete de Antequera” baqgħet l-istess matul diversi ġenerazzjonijiet sal-ġurnata tal-lum.

L-għażla tal-materja prima (dqiq tal-qamħ b’livell baxx ta’ glutina bi proporzjon ibbilanċjat bejn ir-reżistenza għat-tiġbid u l-estendibbiltà tal-għaġina (P/L)), il-kontenut għoli ta’ umdità tal-għaġina, il-kundizzjonijiet li bihom tintgħaġen l-għaġina, tiġi ffurmata f’biċċiet individwali u titħalla togħla, il-ħin qasir tal-forn ikkalkulat b’attenzjoni (ħami ħafif) u t-tkessiħ huma kollha stadji deċiżivi għall-iżgurar tal-forma preċiża u tal-aroma delikata tal-“Mollete de Antequera”, li l-konsistenza ratba u sponżija tagħha hija dovuta għall-istruttura ta’ alveoli doppji b’toqob kbar u żgħar. Dawn l-istadji kollha huma bbażati fuq l-għarfien espert u l-esperjenza tal-furnara tas-sengħa tal-“Mollete de Antequera”, li t-tradizzjoni u l-aħjar prattiki tagħhom biex isir dan il-prodott huma marbutin ma’ dan it-territorju.

Il-kontenut għoli ta’ umdità (sa 45 %) u l-ħin qasir tal-ħami huma kwalitajiet tipiċi karatteristiċi tal-“Mollete de Antequera” abbażi tar-riċetta mill-furnara tas-sengħa Paradas, li għamilha għażla popolari għall-ħobż tal-kolazzjon f’Antequera min-nofs is-seklu 20 ’il quddiem. Ir-raġuni għal din il-popolarità hija li l-proċess tax-xiwi jtejjeb l-irtubija u l-aromi tal-lbieba u l-kuntrast bejn il-konsistenza tagħha u dik tal-qoxra tqarmeċ, u b’hekk dan iġib lura l-kwalitajiet kollha tal-prodott moħmi frisk. Din il-kwalità kienet apprezzata ferm mill-konsumaturi f’dawk iż-żminijiet u anke llum, minħabba li dan ifisser li l-“Molletes de Antequera” jista’ jiġi kkunsmat f’erba’ jew ħamest ijiem mingħajr ma jitlef it-togħma u jżomm is-sensazzjoni li wieħed qed jiekol ħobż moħmi frisk. Flimkien mal-proprjetajiet organolettiċi tal-“Mollete de Antequera”, din il-kwalità kellha rwol deċiżiv biex il-prodott kiseb post sigur b’saħħtu fis-suq: inizjalment f’Antequera u mbagħad fil-bqija tal-provinċja ta’ Málaga, segwit minn Andalusia kollha u madwar il-bqija ta’ Spanja.

Hemm għadd kbir ta’ referenzi biblijografiċi għall-“Mollete de Antequera” li jikkonfermaw kemm din hija magħrufa sew. Issa se nsemmu xi wħud mill-pubblikazzjonijiet fl-aħħar 25 sena li elenkaw il-kwalitajiet u faħħru b’mod entużjastiku l-“Mollete de Antequera”: Gastronomía Antequerana (Il-Gastronomija ta’ Antequera) (Juan Alcaide Vega, 1991); Diccionario Gastronómico. Términos, Refranes, Citas y Poemas (Dizzjunarju Gastronomiku. Termini, Proverbji, Kwotazzjonijiet u Poeżiji) (Luis F. Lescure, 2005); Ruta Gastronómica de Andalucía (Rotta Gastronomika minn ġo Andalusia) (Inés Burtrón, 2009); 50 recetas con molletes de Antequera (50 Riċetta bil-“Molletes de Antequera”) (Susana López Postigo, 2010); Route of Washington Irving from Seville to Granada (Ir-Rotta ta’ Washington Irving minn Seville sa Granada) (Turismo Andaluz S.A., 2000).

Iż-żjara tar-Re u r-Reġina ta’ Spanja f’Antequera fl-1998 ġiet irrappurtata mill-media Spanjola kollha, inkluż referenza speċifika li dawn ġew servuti l-“molletes famużi ta’ Antequera” biż-żjut taż-żebbuġa verġni mil-lokalità.

Il-kittieb Spanjol famuż, ġurnalist u Membru tal-Akkademja Rjali Spanjola mill-2003, Arturo Pérez-Riverte, semma l-“Mollete de Antequera” fil-ktieb tiegħu La piel del tambor (Il-Ġilda tat-Tambur, 2002).

Il-Konfederazzjoni Spanjola tal-Organizzazzjonijiet tal-Furnara (CEOPAN) ippubblikat katalgu bl-isem Todos los panes tradicionales de España (Il-Ħobż Tradizzjonali kollu ta’ Spanja) fl-2009, u inkludiet il-“Mollete de Antequera”.

Fl-aħħar nett, il-“Mollete de Antequera” ġiet inkluża fl-Atlas tal-Wirt Intanġibbli ta’ Andalusia, fi ħdan il-Provinċja ta’ Málaga u d-Distrett ta’ Antequera (l-Istitut tal-Wirt Storiku ta’ Andalusia, il-Ministeru Reġjonali tal-Kultura, il-Gvern tal-Komunità Awtonoma ta’ Andalusia).

Il-“Mollete de Antequera” issa huwa prodott magħruf ħafna li jista’ jinxtara madwar Spanja.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jista’ jinstab fuq:

http://www.juntadeandalucia.es/export/drupaljda/Pliego_Mollete_Antequera.pdf

jew permezz tal-paġna ewlenija tal-Consejería de Agricultura, Ganadería, Pesca y Desarrollo Sostenible [Il-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, il-Bhejjem, is-Sajd u l-Iżvilupp sostenibbli]

(https://juntadeandalucia.es/organismos/agriculturaganaderiapescaydesarrollosostenible.html),

Jekk jogħġbok idħol kif ġej: “Áreas de actividad”/“Industrias y Cadena Agroalimentaria”/“Calidad”/“Denominaciones de Calidad”/“Productos de panadería y repostería”. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tinsab taħt l-isem tad-denominazzjoni tal-kwalità.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(*1)  Id-dimensjonijiet tal-“Mollete de Antequera” f’millimetri.


8.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/21


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard ta’ Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2020/C 224/08)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI DWAR L-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“ROSSO DI MONTEPULCIANO”

Numru ta’ referenza: PDO-IT-A1458-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 21.4.2020

DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET TAL-EMENDA APPROVATA

1.   Rosso di montepulciano — Tikketta

Hu previst li jiddaħħal l-obbligu biex it-terminu ġeografiku usa’ “Toscana” jidher fuq it-tikketta flimkien mad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Rosso di Montepulciano”.

L-emenda tagħmilha possibbli li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża dwar l-oriġini ġeografika tal-inbejjed.

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 9 tad-Dokument Uniku u l-Artikolu 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Rosso di Montepulciano

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

“Rosso di Montepulciano”

Kulur: aħmar rubin

Riħa: intensa ta’ nbid

Togħma: xotta, persistenti, kemxejn tannika

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum (f’% tal-volum): 11,50 %;

Estratt mingħajr zokkor minimu (g/l): 21,00.

Kwalunkwe parametru analitiku li ma jinsabx fit-tabella ta’ hawn taħt, jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum):

 

Aċidità totali minima:

4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

20

Total massimu totali ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru):

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

Rosso di Montepulciano

Prattika enoloġika speċifika

L-inbid bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Rosso di Montepulciano” ma jistax jiġi rilaxxat għall-konsum qabel l-ewwel ta’ Marzu tas-sena ta’ wara dik tal-produzzjoni tal-għeneb.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru:

Rosso di Montepulciano

10 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

Rosso di Montepulciano

70 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb tinsab fit-territorju amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Montepulciano, fil-provinċja ta’ Siena, fir-Reġjun tat-Toskana.

Il-pjanura ta’ Valdichiana hija eskluża.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Sangiovese N. - Sangioveto

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

“Rosso di Montepulciano”

Iż-żona tal-produzzjoni tikkonsisti fil-biċċa l-kbira minn ramel Plijoċeniku u mil-lat meteoroloġiku hi kkaratterizzata minn klima Mediterranja li tiffavorixxi l-evoluzzjoni tal-kwalità aromatika u fenolika tal-għeneb. Il-varjetà ta’ dwieli mkabbra hija s-Sangiovese, b’mod partikolari l-bijotip lokali magħruf bħala Prugnolo Gentile, li jitħarreġ bl-użu ta’ kannizzata vertikali tipika. L-istorja antika tal-inbid ta’ Montepulciano, minn żmien l-Etruski sal-lum, hija l-bażi tal-fattur uman tal-esperjenzi u tal-għarfien espert fil-qasam tal-vitikultura li maż-żmien, b’interazzjoni mal-ambjent, identifikaw, żviluppaw u għażlu l-aħjar prattiki għall-produzzjoni tal-inbid ta’ kwalità.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Rosso di Montepulciano — Tikketta

Qafas ġuridiku:

Fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Rekwiżiti addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Hu previst li jiddaħħal l-obbligu biex it-terminu ġeografiku usa’ “Toscana” jidher fuq it-tikketta flimkien mad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Rosso di Montepulciano” sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar l-oriġini ġeografika preċiża tal-inbejjed.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/15315


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.