ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 212

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
26 ta' Ġunju 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

2020/C 212/01

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-27 ta’ Mejju 2020 dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19 (BERS/2020/7)

1


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 212/02

Rata tal-kambju tal-euro — Il-25 ta' Ġunju 2020

7

2020/C 212/03

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni wara l-preżentazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/739 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prevenzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema li huma esposti għas-SARS-CoV-2 jew li jistgħu jkunu esposti għaliha fil-post tax-xogħol

8


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 212/04

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9830 — Avacon Natur/NEW AG/Stadtenfalter JV) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

11


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tas-27 ta’ Mejju 2020

dwar ir-restrizzjoni tad-distribuzzjonijiet waqt il-pandemija tal-COVID-19

(BERS/2020/7)

(2020/C 212/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b), (d) u (f) u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Il-kriżi tal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19) żviluppat malajr minn emerġenza medika drammatika f’xokk ekonomiku serju, li għandu l-potenzjal li jevolvi fi kriżi finanzjarja sistemika. La huwa ċert ta’ kemm ser iddum din il-kriżi, u lanqas ta’ kemm tista’ tkun serja. Huwa ċar li hemm bżonn li l-istituzzjonijiet finanzjarji jżommu ammont għoli biżżejjed ta’ kapital biex jitnaqqas ir-riskju sistemiku u jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku.

(2)

Għadd ta’ istituzzjonijiet membri tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (3) (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (4) (EIOPA), il-Bank Ċentrali Ewropew (5) (BĊE) u ħafna awtoritajiet nazzjonali ħeġġew lill-banek, l-assiguraturi u r-riassiguraturi fl-Unjoni biex joqogħdu lura milli jagħmlu ħlasijiet volontarji (eż. dividendi, bonusijiet, u riakkwisti ta’ ishma mmirati li jħallsu lill-azzjonisti). Dawn il-miżuri jistgħu jtejbu r-reżiljenza tas-settur finanzjarju, isaħħu l-kapaċità tiegħu li jsellef lill-ekonomija reali f’kundizzjonijiet ta’ stress u jnaqqsu r-riskju ta’ fallimenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji minħabba r-riskji relatati mal-COVID19.

(3)

Il-BERS huwa responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u b’hekk jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li l-BERS jilqa’ u jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi tal-istituzzjonijiet membri tiegħu, iqis ukoll li huwa meħtieġ li joħroġ rakkomandazzjoni biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet finanzjarji fis-settur finanzjarju li jistgħu joħolqu riskju għall-istabbiltà finanzjarja jżommu livelli għoljin ta’ kapital.

(4)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi l-imġiba proċiklika tal-banek, kif ukoll il-fatt li għandhom funzjoni kritika fl-ekonomija. Għandha l-għan li tillimita l-profitt u d-distribuzzjoni tal-kapital tal-banek sabiex iżżid ir-reżiljenza tagħhom matul il-kriżi u tippromwovi t-tislif meħtieġ lill-ekonomija reali. Għandha wkoll l-għan li tnaqqas ir-riskju li f’każijiet fejn il-gvernijiet jappoġġaw lill-banek matul il-kriżi, l-azzjonisti u l-maniġment ta’ livell għoli jittrasferixxu l-allokazzjoni tal-kapital għall-benefiċċju tagħhom stess. Barra minn hekk, jekk il-banek jużaw ħlasijiet ta’ dividendi bħala sinjal ta’ saħħa għas-suq, dawn l-azzjonijiet jistgħu jimminaw il-pożizzjoni relattiva ta’ istituzzjonijiet finanzjarji aktar prudenti li jistgħu jiġu stigmatizzati. Dan l-argument tal-aħħar jimmilita favur azzjoni b’bażi wiesgħa, ikkoordinata u obbligatorja. Id-ditti tal-investiment huma inklużi fil-lista tal-istituzzjonijiet finanzjarji skont din ir-Rakkomandazzjoni, peress li għandhom rwol importanti fil-funzjonament tas-suq u jistgħu jippreżentaw riskji simili għall-banek.

(5)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi r-riskju impost minn din il-kriżi fuq is-solvenza tal-assiguraturi u r-riassiguraturi. Huwa probabbli li se jkun hemm tnaqqis fil-flussi ta’ flus minn negozju ġdid, flimkien ma’ obbligazzjonijiet ogħla minħabba perjodu estiż ta’ rati tal-imgħax baxxi ħafna u redditi aktar baxxi mill-assi fil-futur. Minħabba li l-assiguraturi u r-riassiguraturi għandhom rwol kritiku fis-settur finanzjarju hemm ukoll ir-riskju ta’ strateġija komuni għat-tneħħija tar-riskji, bħall-bejgħ ta’ bonds korporattivi b’rendiment ogħla, li jkunu amplifikati bi tnaqqis fil-grad fuq skala kbira. Barra minn hekk, l-istess argument imqajjem għall-banek fir-rigward tal-ħlasijiet ta’ dividendi bħala sinjal ta’ saħħa għas-suq u l-istigma assoċjata ta’ restrizzjonijiet tikkonċerna wkoll lill-assiguraturi u r-riassiguraturi.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mfassla biex tkopri lill-kontropartijiet ċentrali (CCPs) minħabba r-rwol sistemikament importanti tagħhom fl-ikklirjar ta’ tranżazzjonijiet tas-suq finanzjarju. Billi jżommu riżorsi proprji addizzjonali, is-CCPs ikunu jistgħu jilqgħu għal telf mhux inadempjenti, li huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tar-riskju operazzjonali, li CCPs ikopru bir-riżorsi proprji tagħhom minflok b’kontribuzzjonijiet minn membri tal-ikklirjar. Din ir-Rakkomandazzjoni ser tiżgura konsistenza bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji fi żmien meta d-dħul ta’ CCPs jista’ jibbenefika minn volumi ogħla ta’ tranżazzjonijiet tas-suq, u fejn rilevanti, ser tippermetti lis-CCPs iżidu r-riskju dirett tagħhom fil-kaskata tal-inadempjenza fuq bażi volontarja, fid-dawl tar-riskji ġeneralment akbar minħabba l-volatilità ogħla tas-suq. Fl-aħħar nett, huwa previst li ż-żamma ta’ fondi proprji f’CCPs tnaqqas il-probabbiltà li wieħed ikollu jdur fuq flus il-kontribwenti f’każ ta’ telf (relatat jew mhux relatat ma’ inadempjenzi) fi żmien fejn l-infiq fiskali diġà jinsab partikolarment taħt pressjoni. B’mod ġenerali, huwa importanti għal CCPs li jżommu riżorsi proprji prefinanzjati adegwati minbarra l-marġnijiet inizjali u l-fondi ta’ inadempjenza.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tkopri dawk l-azzjonijiet minn istituzzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw fi tnaqqis fl-ammont u fil-kwalità tal-fondi proprji tagħhom jew fi tnaqqis tal-kapaċità tagħhom ta’ assorbiment ta’ telf għad-durata tal-kriżi relatata mal-COVID-19. Dan jinkludi l-ħlas ta’ dividendi, ir-riakkwisti ta’ ishma ordinarji u l-ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli. Jekk istituzzjoni finanzjarja riedet tissostitwixxi l-ishma ordinarji, dan ikun konformi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi l-prinċipji li jirregolaw is-Suq Uniku u r-rwol tal-moviment liberu tal-kapital fit-tisħiħ tat-tkabbir u l-kondiviżjoni tar-riskju fi ħdan l-Unjoni. L-għan tagħha huwa li tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ esternalitajiet negattivi potenzjali li jirriżultaw minn deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali matul żminijiet ta’ diffikultà. Ħarba lejn is-sikurezza jew preġudizzju domestiku, li spiss iseħħu fi żminijiet ta’ diffikultà finanzjarja, jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-ekonomiji lokali. Din ir-Rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li l-awtoritajiet rilevanti jidħlu fi djalogu meta jikkunsidraw l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-ħlasijiet li jinħarġu mis-sussidjarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

(9)

Ir-reġimi regolatorji jvarjaw bejn is-setturi u l-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti għandhom jikkunsidraw li jużaw kwalunkwe għodda superviżorja disponibbli għalihom, kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll dak nazzjonali, bħal rakkomandazzjonijiet jew linji gwida, biex jinkisbu l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, sa fejn huwa permess mil-liġi.

(10)

Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi għal lista ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li, bħala minimu, għandhom ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet. L-awtoritajiet huma liberi li jimponu r-restrizzjonijiet fuq istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li jipprovdu tislif lill-ekonomija reali, bħal kumpaniji ta’ lokazzjoni finanzjarja.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mfassla biex tappoġġa l-inizjattivi preċedenti tal-BĊE, l-EBA, l-EIOPA u l-awtoritajiet nazzjonali u biex issaħħaħ il-każ għal approċċ uniformi madwar l-Unjoni u bejn segmenti differenti tas-settur finanzjarju, filwaqt li tqis ir-rwol kritiku ta’ dawn is-segmenti għall-ekonomija reali fi żminijiet ta’ kriżi. L-għan aħħari huwa li jifdal livelli suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ assorbiment ta’ kapital u ta’ telf fl-istituzzjonijiet finanzjarji biex jittaffa l-impatt tal-kriżi attwali sabiex b’hekk jikkontribwixxu għal irkupru b’inqas xkiel għall-ekonomija pan-Ewropea kollha kemm hi.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-mandati tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fl-Unjoni.

(13)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu ppubblikati wara li jkunu ġew infurmati d-destinatarji, u wara li l-Bord Ġenerali jkun informa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan u sakemm il-Kunsill ikollu l-opportunità li jirreaġixxi.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONI

Rakkomandazzjoni A — Restrizzjoni fuq id-distribuzzjonijiet

Huwa rrakkomandat li mill-inqas sal-1 ta’ Jannar 2021, l-awtoritajiet rilevanti jitolbu lill-istituzzjonijiet finanzjarji taħt il-mandat superviżorju tagħhom (6) biex joqogħdu lura milli jwettqu xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jagħmlu distribuzzjoni ta’ dividendi jew jagħtu impenn irrevokabbli li jagħmlu distribuzzjoni ta’ dividendi;

(b)

jagħmlu riakkwist ta’ ishma ordinarji;

(c)

joħolqu obbligu li titħallas rimunerazzjoni varjabbli lil min jieħu riskju materjali,

li jkollha l-effett li tnaqqas il-kwantità jew il-kwalità tal-fondi proprji fil-livell tal-grupp tal-UE (jew fil-livell individwali fejn l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx parti minn grupp tal-UE), u, fejn xieraq, fil-livell subkonsolidat jew individwali.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorità rilevanti” tfisser:

(i)

awtorità kompetenti;

(ii)

awtorità fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali, inkluż iżda mhux biss:

1.

awtorità maħtura skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew l-Artikolu 458(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

2.

awtorità makroprudenzjali bl-objettivi, l-arranġamenti, il-kompiti, is-setgħat, l-istrumenti, ir-rekwiżiti ta’ akkontabilità u karatteristiċi oħrajn stipulati fir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 (9).

(b)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità kompetenti jew superviżorja kif iddefinita fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fl-Artikolu 13(10) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jew imsemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), kif applikabbli;

(c)

“istituzzjoni finanzjarja” tfisser kwalunkwe waħda mill-impriżi li ġejjin li għandhom l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Unjoni:

(i)

istituzzjoni kif iddefinita fil-punt (3) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

impriża tal-assigurazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(iii)

impriża tar-riassigurazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(iv)

kontroparti ċentrali kif iddefinita fil-punt 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(d)

“min jieħu riskju materjali” tfisser membru ta’ kategorija ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni finanzjarja, inkluż membru ta’ kategorija ta’ persunal imsemmija fl-Artikolu 92(2) tad-Direttiva 2013/36/UE jew il-punt (c) tal-Artikolu 275(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (12) jew il-maniġment ta’ livell għoli ta’ kontroparti ċentrali kif iddefinit fl-Artikolu 2(29) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif applikabbli;

(e)

“awtorità ta’ riżoluzzjoni” trfisser l-awtorità kif iddefinita fil-punt (18) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE (13).

2.   Eżenzjonijiet

L-awtoritajiet rilevanti jistgħu jeżentaw lil istituzzjoni finanzjarja mir-restrizzjoni li twettaq xi waħda mill-azzjonijiet fil-punti (a) sa (c) tar-Rakkomandazzjoni A jekk dik l-istituzzjoni finanzjarja hija legalment obbligata li twettaq dik l-azzjoni.

3.   Kriterji għall-implimentazzjoni

1.

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni mill-awtoritajiet relevanti:

(a)

għandu jitqies kif meħtieġ il-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tar-riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżulta mill-kriżi tal-COVID-19 u għall-irkupru ekonomiku;

(b)

l-arbitraġġ regolatorju għandu jiġi evitat;

(c)

l-awtoritajiet rilevanti għandhom jivvalutaw regolarment l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet li jkunu imponew fid-dawl tal-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Il-kriterji speċifiċi li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni A (a) u (b): Huwa rrakkomandat li meta l-awtoritajiet rilevanti jevalwaw jekk ikunx xieraq li jiġu applikati r-restrizzjonijiet fil-livell subkonsolidat jew f’livell individwali, huma għandhom jaderixxu mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

Prinċipju 1: Filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi evitat jew mitigat ir-riskju sistemiku għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħhom u fl-Unjoni, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jappoġġaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u jirrikonoxxu l-ħtieġa li s-settur finanzjarju jipprovdi kontribut sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku fl-Istati Membri u fl-Unjoni kollha kemm hi.

(b)

Prinċipju 2: L-awtoritajiet rilevanti għandhom jiżguraw li kwalunkwe restrizzjoni ma tinvolvix effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew partijiet minnha fi Stati Membri oħra jew fl-Unjoni kollha kemm hi.

(c)

Prinċipju 3: L-awtoritajiet rilevanti għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti, inkluż f’kulleġġi, fejn applikabbli.

4.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, id-destinatarji jridu jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS, l-azzjonijiet li jkunu ħadu b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni jew jissostanzjaw kull nuqqas ta’ azzjoni. Il-komunikazzjonijiet għandhom jintbagħtu billi tiġi ppreżentata l-formola fl-Anness sal-31 ta’ Lulju 2020.

5.   Emendi għal din ir-Rakkomandazzjoni

Il-Bord Ġenerali għandu jiddeċiedi jekk u meta jeħtieġ li tiġi emendata din ir-Rakkomandazzjoni. Tali emendi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-perjodu li matulu tapplika r-Rakkomandazzjoni A.

6.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.

Il-Bord Ġenerali għandu jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet ikkomunikati mid-destinatarji u, fejn xieraq, jista’ jiddeċiedi li din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx segwita u li destinatarju naqas milli jipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

2.

Il-metodoloġija ppreżentata fil-Manwal dwar il-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS, li tiddeskrivi l-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS, mhijiex applikabbli.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Mejju 2020.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  https://eba.europa.eu/eba-provides-additional-clarity-on-measures-mitigate-impact-covid-19-eu-banking-sector.

(4)  https://www.eiopa.europa.eu/content/eiopa-statement-dividends-distribution-and-variable-remuneration-policies-context-covid-19_en.

(5)  Rakkomandazzjoni BĊE/2020/19 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2020 dwar id-distribuzzjoni tad-dividendi matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2020/1 (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 1).

(6)  Dan ma jinkludix lill-friegħi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

(7)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali (ĠU C 41, 14.2.2012, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(12)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1)

(13)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).


ANNESS

Komunikazzjoni tal-azzjonijiet meħuda bħala b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni

1.   Dettalji tad-destinatarju

Rakkomandazzjoni

 

Pajjiż tad-Destinatarju

 

Istituzzjoni

 

Kapaċità (*1)

 

L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tar-rispondent

 

Data tal-komunikazzjoni

 

2.   Komunikazzjoni ta’ azzjonijiet

Rakkomandazzjoni

Tikkonforma? (iva/le/mhux applikabbli)

Jekk jogħġbok iddeskrivi l-azzjonijiet meħuda għall-konformità

Jekk ma tikkonformax, jew tikkonforma parzjalment, agħti ġustifikazzjoni adegwata

Jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji (eż. link, Gazzetta tal-Gvern, numru tal-pubblikazzjoni) tal-miżura adottata b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni

Rakkomandazzjoni A(a)

 

 

 

 

Rakkomandazzjoni A(b)

 

 

 

 

Rakkomandazzjoni A(c)

 

 

 

 

3.   Noti

1.

Din il-formola tintuża għall-komunikazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

2.

Kull destinatarju għandu jissottometti l-formola mimlija lill-BERS permezz tas-Segretarjat tal-BERS elettronikament permezz ta’ DARWIN fil-folder apposta jew permezz tal-posta elettronika lil notifications@esrb.europa.eu. (Is-Segretarjat tal-BERS ser jagħmel arranġamenti għat-trażmissjoni tal-komunikazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fuq bażi aggregata).

3.

Id-destinatarji huma mistennija jipprovdu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha marbuta mal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u l-kriterji għall-implimentazzjoni, inkluża informazzjoni dwar is-sustanza (bħal dwar il-forma ġuridika tal-miżura u dwar it-tip ta’ istituzzjonijiet finanzjarji koperti) u ż-żmien meta ttieħdu l-azzjonijiet.

4.

Jekk destinatarju jikkonforma biss parzjalment, għandu jipprovdi spjegazzjoni sħiħa tal-grad tan-nuqqas ta’ konformità, kif ukoll dettalji oħra tal-konformità parzjali. L-ispjegazzjoni għandha tispeċifika b’mod ċar il-partijiet rilevanti tar-rakkomandazzjoni li ma jikkonformawx magħhom id-destinatarji.


(*1)  Jekk jogħġbok indika f’liema kapaċità qiegħed twieġeb, jiġifieri l-awtorità kompetenti jew superviżorja skont il-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 13(10) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew l-awtorità makroprudenzjali.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/7


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-25 ta' Ġunju 2020

(2020/C 212/02)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1200

JPY

Yen Ġappuniż

120,25

DKK

Krona Daniża

7,4534

GBP

Lira Sterlina

0,90133

SEK

Krona Żvediża

10,4865

CHF

Frank Żvizzeru

1,0637

ISK

Krona Iżlandiża

155,60

NOK

Krona Norveġiża

10,8748

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,796

HUF

Forint Ungeriż

354,35

PLN

Zloty Pollakk

4,4653

RON

Leu Rumen

4,8420

TRY

Lira Turka

7,6776

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6321

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5282

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6805

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7465

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5600

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 347,73

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

19,4883

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9206

HRK

Kuna Kroata

7,5670

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 988,00

MYR

Ringgit Malażjan

4,7914

PHP

Peso Filippin

56,075

RUB

Rouble Russu

77,7516

THB

Baht Tajlandiż

34,647

BRL

Real Brażiljan

6,0012

MXN

Peso Messikan

25,6315

INR

Rupi Indjan

84,7120


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/8


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni wara l-preżentazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/739 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prevenzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema li huma esposti għas-SARS-CoV-2 jew li jistgħu jkunu esposti għaliha fil-post tax-xogħol

(2020/C 212/03)

1.   

Il-Kummissjoni marbuta tikseb l-aħjar livell possibbli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema fl-Unjoni. Sa mill-bidu tal-pandemija, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu miżuri bla preċedent biex jipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien. L-UE appoġġat l-isforzi nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u jittaffa l-impatt ekonomiku. Illiberat kull euro disponibbli fil-baġit tagħha biex tissara kontra l-virus u użat il-flessibbiltà sħiħa fir-regoli baġitarji u dwar l-għajnuna mill-Istat. Ħadet bosta inizjattivi biex tiżgura d-disponibbiltà ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali sabiex tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ħaddiema.

2.   

Il-Kummissjoni tisħaq li l-proposta għal REACT-UE se tipprovdi riżorsi addizzjonali għall-Fondi Strutturali għall-perjodu 2020 sa 2022 bl-ammont ta’ EUR 58,3 biljun. Dawn ir-riżorsi, fost affarijiet oħrajn, se jappoġġaw lill-ħaddiema, kif ukoll il-protezzjoni tagħhom quddiem is-SARS-COV-2, lill-SMEs, lis-sistema tas-saħħa u lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u se jkunu disponibbli għas-setturi kollha.

3.   

Il-Kummissjoni tqis li d-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/739 (1) ttejjeb b’mod sinifikanti l-livell eżistenti ta’ protezzjoni billi tinkludi s-SARS-CoV-2, il-virus responsabbli għall-COVID-19, fl-Anness III tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-Aġenti Bijoloġiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema tal-ewwel linja.

4.   

Il-Kummissjoni tfakkar li fir-rigward tas-saħħa u tas-sikurezza fil-post tax-xogħol, id-Direttiva Qafas tal-Kunsill 89/391/KEE (3) tistabbilixxi obbligu mhux negozjabbli għal min iħaddem li jwettaq stima tar-riskju sħiħa u aġġornata skont l-Artikoli 6 u 9 tagħha. Dan jimplika li r-riskji kollha — inkluż l-esponiment għas-SARS-CoV-2 fuq il-post tax-xogħol jeħtieġ li jitqiesu u jiġu vvalutati flimkien, inkluż bl-interazzjoni tiegħu tar-riskji psikosoċjali, bijoloġiċi, kimiċi u ta’ riskji oħra.

5.   

Il-Kummissjoni tisħaq li għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti miżuri preventivi u protettivi, inkluż fil-każ speċifiku ta’ esponiment possibbli għas-SARV-CoV-2, u li min iħaddem għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa kemm dwar ir-riskji kollha tas-sikurezza u tas-saħħa u kemm dwar il-miżuri u l-attivitajiet protettivi u preventivi kollha fir-rigward kemm tal-impriża u/jew tal-istabbiliment b’mod ġenerali u ta’ kull tip ta’ stazzjon tax-xogħol u/jew ta’ kull impjieg.

6.   

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li taħriġ adegwat lill-ħaddiema li jistgħu jkunu esposti għas-SARS-CoV-2 huwa wkoll tal-akbar importanza flimkien mad-dritt ta’ kull ħaddiem li jirċievi tali taħriġ, b’mod partikolari fl-għamla ta’ informazzjoni u struzzjonijiet speċifiċi għall-istazzjon tax-xogħol jew għall-impjieg tiegħu.

7.   

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll fuq l-obbligi speċifiċi u stretti tas-saħħa u tas-sikurezza li ġejjin, stabbiliti fid-Direttiva 2000/54/KE dwar l-Aġenti Bijoloġiċi:

L-Artikolu 6, li jinkludi miżuri dettaljati għat-tnaqqis fir-riskji, inkluż miżuri ta’ protezzjoni kollettivi u individwali, miżuri tal-iġjene, proċessi tax-xogħol sabiex jevitaw jew inaqqsu l-esponiment, u l-użu ta’ sinjali rilevanti ta’ twissija;

L-Artikolu 8 dwar l-iġjene u l-protezzjoni individwali, li jistabbilixxi, fost oħrajn, id-dritt għall-ħaddiema li jiġu fornuti bi lbies ta’ protezzjoni addattat jew ilbies ieħor speċjali addattat;

L-Artikolu 9 dwar l-informazzjoni u t-taħriġ, li jipprovdi lill-ħaddiema bid-dritt li jirċievu informazzjoni ċara dwar pereżempju r-riskji potenzjali għas-saħħa, il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex ma jkunx hemm esponiment, dwar l-iġjene u l-ilbies u l-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali;

L-Artikolu 10, li jitlob lil min iħaddem biex jipprovdi struzzjonijiet bil-miktub u jwaħħal avviżi inkluż il-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każijiet ta’ aċċident jew inċident serju li jinvolvi il-kuntatt ma’ aġent bijoloġiku ikun xi jkun il-klassifikazzjoni tal-grupp tiegħu.

8.   

Il-Kummissjoni tisħaq li d-dispożizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq japplikaw għall-ħaddiema kollha u għall-postijiet tax-xogħol kollha. L-unika eċċezzjoni hija l-Artikolu 10(1)(b). Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-istruzzjonijiet għall-ħaddiema li jkollhom kuntatt ma’ aġent tal-grupp 4, imsemmi bħala rekwiżit minimu u għalhekk ma jeskludix li dan ikun japplika għal ħaddiema oħra u li jirreferi għal ħaddiema li tassew qegħdin għandhom kuntatt mal-virus u mhux għal dawk li huma esposti għalih bla ħsieb. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-kbir lill-Istati Membri biex jiżguraw li jingħataw struzzjonijiet bil-miktub lill-ħaddiema kollha esposti għas-SARS-COV-2, kif rakkomandat ukoll fil-gwida tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema (4).

9.   

Il-Kummissjoni tikkonferma d-determinazzjoni tagħha li tiżgura implimentazzjoni stretta mill-Istati Membri, inkluż l-obbligu li jiġu pprovduti struzzjonijiet bil-miktub fuq il-post tax-xogħol u, jekk xieraq, jitwaħħlu avviżi, li għandhom mill-inqas jinkludu l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ ta’ ħaddiema esposti għal dan l-aġent bijoloġiku. Il-Kummissjoni se tistieden lill-Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol biex iwettqu azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni f’dan ir-rigward. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv tripartitiku dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni se tippromwovi, fuq livell ta’ post tax-xogħol, l-inklużjoni fil-każijiet kollha tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti bħala prattika tajba f’dan il-qasam u se tinkariga wkoll lill-UE-OSHA biex tinkludi din il-prattika tajba fl-għodda tal-valutazzjoni tar-riskju u l-linji gwida relatati online.

10.   

Peress li l-virus tas-SARS-CoV-2 ġie kklassifikat fil-grupp ta’ riskju 3 f’konformità mas-SARS-CoV-1 u l-MERS, il-Kummissjoni tenfasizza li dan jimplika li f’termini materjali d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi u stretti stabbiliti fl-Artikoli 7, 11, 13, 14(4), 15 u 16 se jkunu koperti. Dawn jinkludu d-dritt u l-obbligu relatat ma’ pjan ta’ emerġenza, ma’ lista ta’ ħaddiema esposti (li tindika t-tip ta’ xogħol li sar kif ukoll rekords ta’ esponiment, aċċidenti u inċidenti), ma’ avviż minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-użu għall-ewwel darba, ma’ rekords mediċi li jinżammu għal għadd ta’ snin jew mal-miżuri ta’ konteniment indikati fl-Annessi V u VI.

11.   

Il-Kummissjoni tissokta tisħaq li ma hemm l-ebda differenza fil-protezzjoni tal-ħaddiema skont il-klassifikazzjoni tal-grupp 3 jew 4 għajr il-laboratorji jew il-proċess industrijali li jiġu f’kuntatt ma’ u jimmanipulaw kampjuni tal-virus, pereżempju biex jiżviluppaw jew jipproduċu vaċċin, jew il-faċilitajiet ta’ iżolament fejn hemm pazjenti li huma, jew suspettati li huma, infettati bil-virus.

12.   

Dawn il-faċilitajiet isegwu d-dispożizzjonijiet tal-Anness V u VI, li huma speċifiċi għal dawn il-proċessi. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mingħajr ebda spazju għal flessibbiltà għall-aġenti tal-grupp 4. Il-biċċa l-kbira fosthom japplikaw ukoll għall-grupp 3, bid-dispożizzjonijiet l-aktar stretti li huma “rakkomandati”, jiġifieri li japplikaw, fil-prinċipju, sakemm ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju ma jindikawx mod ieħor.

13.   

Il-Kummissjoni tosserva li f’konformità mal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva dwar l-Aġenti Bijoloġiċi, il-lista ta’ aġenti bijoloġiċi kklassifikati tirrifletti l-istat ta’ għarfien fiż-żmien li tkun issawret u li se tiġi aġġornata malli ma tibqax tirrifletti dan l-aħħar stat ta’ għarfien. Il-Kummissjoni tagħraf li x-xjenza qiegħda tevolvi b’mod kostanti u għalhekk tintrabat li żżomm din il-kategorizzazzjoni taħt rieżami kontinwu fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi. Dan hu f’konformità wkoll mal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar l-Aġenti Bijoloġiċi kif ukoll mal-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas 89/391/KEE. Il-Kummissjoni ntrabtet li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill regolarment bir-riżultati ta’ dawn ir-rieżamijiet.

14.   

Il-Kummissjoni tisħaq li l-miżuri l-ġodda huma diġà fis-seħħ u li l-Istati Membri għandhom jittrasponuhom fil-liġi nazzjonali sa mhux aktar tard minn 5 xhur. Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri biex jittrasponu l-miżuri fl-aqsar żmien possibbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li bosta Stati Membri diġà qed japplikaw il-klassifikazzjoni tal-grupp 3 kif stipulat fid-Direttiva (UE) 2020/739.

15.   

Il-Kummissjoni se tindirizza l-bżonn ta’ azzjonijiet ulterjuri għat-titjib tal-funzjonament tal-qafas regolatorju eżistenti tas-Saħħa u tas-Sikurezza tal-UE, inter alia, f’qagħdiet pandemiċi, fil-Qafas Strateġiku ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq il-Post tax-Xogħol. Il-Kummissjoni se tiżgura l-involviment mill-qrib tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sikurezza u għas-Saħħa fuq il-post tax-xogħol u tal-Kumitat ta’ Spetturi Għolja tax-Xogħol għal dan il-għan.

16.   

Il-Kummissjoni se tivvaluta, mingħajr telf ta’ żmien, il-bżonn li d-Direttiva dwar l-Aġenti Bijoloġiċi tiġi emendata wara l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-kriżi bla preċedent fid-dawl ta’ tħejjija aħjar u ppjanar ta’ rispons fil-postijiet kollha tax-xogħol u se tgħarraf lill-Parlament Ewropew dwar dan sal-aħħar tal-2020.


(1)  ĠU L 175, 4.6.2020, p. 11.

(2)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

(3)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(4)  COVID-19:LURA LEJN IL-POST TAX-XOGĦOL - L-adattament tal-postijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/11


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9830 — Avacon Natur/NEW AG/Stadtenfalter JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 212/04)

1.   

Fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

NEW Smart City GmbH (“NEW Smart City”, il-Ġermanja), li tappartjeni għall-grupp NEW AG (“NEW”, il-Ġermanja),

Avacon Natur GmbH (“Avacon Natur”, il-Ġermanja), finalment ikkontrollata minn E.ON SE (“E.ON”),

Stadtentfalter GmbH (“Stadtentfalter”, il-Ġermanja).

NEW Smart City u Avacon Natur jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Stadtentfalter.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta' xiri ta' ishma f'kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi f’impriża bi sħab (joint venture, JV).

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Avacon Natur tħaddem diversi impjanti ta’ enerġija termali u tbigħ l-elettriċità, il-gass u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali,

NEW Smart City hija attiva f’soluzzjonijiet ta’ smart city u mobilità elettronika,

Stadtentfalter se tkun attiva fil-kostruzzjoni u l-operazzjoni tat-tisħin distrettwali u networks tat-tkessiħ, fosthom il-kostruzzjoni ta’ impjanti għall-ġenerazzjoni u l-provvista a’ tkessiħ u tisħin, il-ġenerazzjoni tal-elettriċità għall-bejgħ f’dawn in-networks u konsulenza marbuta mat-tisħin / tkessiħ distrettwali, l-inġinerija u servizzi ta’ ġestjoni.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9830 – Avacon Natur/NEW AG/Stadtentfalter JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.