ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 182

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
2 ta' Ġunju 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 182/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9797 — AUNDE Group/Toyota Boshoku/TB Kawashima Automotive Textile (India) JV) ( 1 )

1

2020/C 182/02

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, għall-magni tal-ħasil domestiċi, għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, għall-apparati refriġeranti u għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, u ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-għoti ta’ informazzjoni għall-provvisti tal-elettriku esterni ( 1 )

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 182/03

Rata tal-kambju tal-euro — Id-29 ta' Mejju 2020

4

2020/C 182/04

Rata tal-kambju tal-euro — L-1 ta' Ġunju 2020

5

2020/C 182/05

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiki restrittivi u pożizzjonijiet dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta’ Frar 2020 dwar abbozz ta’ deċiżjoni fil-Każ AT.40528 — Meliá (Holiday Pricing) Relatur: Franza

6

2020/C 182/06

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta Il-Każ AT.40528 — Meliá (Holiday Pricing)

7

2020/C 182/07

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2020 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE Il-Każ AT.40528 — Meliá (Holiday pricing) (notifikat bid-dokument Nru C (2020) 893)

9

 

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2020/C 182/08

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-mandat ta’ negozjar biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ New Zealand (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

12


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9797 — AUNDE Group/Toyota Boshoku/TB Kawashima Automotive Textile (India) JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 182/01)

Fil-25 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9797. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/2


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti tat-tikkettar tal-enerġija għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, għall-magni tal-ħasil domestiċi, għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, għall-apparati refriġeranti u għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, u ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-għoti ta’ informazzjoni għall-provvisti tal-elettriku esterni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 182/02)

Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2013 (1), (UE) 2019/2014 (2), (UE) 2019/2016 (3) u (UE) 2019/2017 (4) (“ir-Regolamenti dwar it-Tikkettar tal-Enerġija”) adottati fl-2019 jimponu obbligi ġodda ta’ tikkettar għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, għall-apparati refriġeranti u għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi. Dawk ir-Regolamenti se japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2021, iżda mill-1 ta’ Novembru 2020 il-fornituri jridu jipprovdu tikketta riklassifikata mal-prodotti li jqiegħdu fis-suq u huma meħtieġa wkoll idaħħlu l-parametri tal-iskeda informattiva tal-prodott il-ġdid fil-bażi tad-data tal-prodott.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1782 (5) dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-provvisti tal-elettriku esterni japplika mill-1 ta’ April 2020 u jistabbilixxi rekwiżiti ġodda dwar l-informazzjoni li trid tingħata lill-utenti finali, lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u lil partijiet interessati oħra. Dawn jinkludu d-disinn mill-ġdid tan-nameplates li jitwaħħlu mat-tagħmir li jitqiegħed fis-suq.

F’ħafna Stati Membri, il-fabbriki u l-laboratorji ngħalqu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jew kellhom inaqqsu l-forza tax-xogħol u l-kapaċitajiet. Dan jaf jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li l-manifatturi jittestjaw il-prodotti tagħhom u b’hekk jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għad-dokumentazzjoni teknika jew għall-iskeda informattiva u għat-tikketta tal-prodott, skont kif ikun applikabbli. In-nuqqas ta’ domanda minħabba l-għeluq tal-ħwienet ifisser li l-prodotti bit-tikketti attwali, jew bin-nameplates fil-każ tal-provvisti tal-elettriku esterni, se jakkumulaw fl-imħażen tal-manifatturi. Minħabba dawn l-aspetti jaf ikun impossibbli li l-manifatturi jipproduċu u jipprovdu tikketta riklassifikata jew newplates ġodda mal-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Novembru 2020 jew mill-1 ta’ April 2020 fil-każ tal-provvisti tal-elettriku esterni, kif inhu meħtieġ mil-leġiżlazzjoni. Huwa mistenni li din is-sitwazzjoni tkun ta’ terminu qasir u jenħtieġ li tiġi solvuta għalkollox qabel l-1 ta’ Marzu 2021 fir-rigward tat-tikketti tal-enerġija (meta l-obbligi li jifdal tar-Regolamenti rispettivi jsiru applikabbli) jew qabel l-1 ta’ Ottubru 2020 fir-rigward tal-provvisti tal-elettriku esterni.

Għadd ta’ Stati Membri infurmaw lill-Kummissjoni li jafu x’diffikultajiet qed tiffaċċja l-industrija u li jissimpatizzaw mal-industrija minħabba l-problemi li se tiffaċċja biex tikkonforma mal-obbligi tagħhom. Diversi assoċjazzjonijiet tal-industrija kkuntattjaw lill-Kummissjoni wkoll, u indikaw id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw.

Il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, bħar-Regolamenti dwar l-ekodisinn u dwar it-tikkettar tal-enerġija, hija mmonitorjata u infurzata permezz tas-sorveljanza tas-suq li titwettaq mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar il-qafas tat-tikkettar tal-enerġija u mal-Artikoli 11 u 14 sa 20 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) dwar is-sorveljanza tas-suq u dwar il-konformità tal-prodotti.

Fid-dawl tal-problemi li x’aktarx jiġu esperjenzati biex tinżamm il-konformità mal-obbligi tat-tikkettar tal-enerġija u mal-obbligi tal-ekodisinn dwar l-għoti ta’ informazzjoni rigward il-provvisti tal-elettriku esterni, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi għadd ta’ kunsiderazzjonijiet li jenħtieġ li jitqiesu fil-kuntest tal-infurzar ta’ dawn l-obbligi.

L-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-obbligu li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri jimmonitorjaw il-konformità huwa wieħed kontinwu u mhuwiex marbut ma’ xi data speċifika wara li l-obbligi jibdew japplikaw fl-1 ta’ April 2020 (għad-dispożizzjonijiet dwar l-Ekodisinn) u fl-1 ta’ Novembru 2020 (għall-obbligi tat-tikkettar tal-enerġija), rispettivament.

Imbagħad, fir-rigward tal-iżgurar tas-sorveljanza effettiva tas-suq, il-Kummissjoni tfakkar ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2019/1020 li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iridu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod effiċjenti u effettiv, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, it-tikketti kollha li hemm bħalissa fil-ħwienet se jkollhom jiġu skambjati b’tikketti riklassifikati mill-1 sal-15 ta’ Marzu 2021, f’konformità mal-Artikolu 11(13) tar-Regolament (UE) 2017/1369.

Il-Kummissjoni tfakkar li la l-Kummissjoni u lanqas xi Stat Membru individwali ma għandhom l-awtorità li jinjoraw xi skadenza vinkolanti jew xi obbligu ieħor stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sakemm l-iskadenzi jew l-obbligi ma jiġux emendati permezz tal-proċeduri xierqa.

Madankollu, meta jinfurzaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità. F’dak il-kuntest, meta l-Istati Membri japplikaw id-dritt tal-UE u jinfurzaw l-obbligi stabbiliti mir-Regolamenti rilevanti, huma mistiedna jqisu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19, kif murija mill-manifatturi, li ma jħalluhomx jikkonformaw mal-obbligi skont ir-Regolamenti dwar it-tikkettar tal-enerġija;

in-natura tal-kwistjoni relattivament limitata fiż-żmien, minħabba l-perjodu ta’ żmien relattivament qasir li matulu l-manifatturi jkunu jistgħu jkomplu jqiegħdu l-prodotti fis-suq bit-tikketta ta’ bħalissa biss;

il-ħtieġa li l-manifatturi jkomplu jkunu jistgħu jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq, b’mod partikolari dawk akkumulati fl-imħażen tagħhom.

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq — abbażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet — ma jinfurzawx l-obbligu li tiġi pprovduta tikketta riklassifikata mal-prodott, fil-mument li jitqiegħed fis-suq, u li jiddaħħlu l-parametri tal-iskeda informattiva tal-prodott fil-bażi tad-data tal-prodotti mill-1 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni mhijiex se tniedi proċeduri ta’ ksur diment li dak in-nuqqas ta’ infurzar ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, ikun limitat fiż-żmien mill-1 ta’ Novembru 2020 sal-1 ta’ Marzu 2021, u l-fornituri jipprovdu t-tikketti neqsin lin-negozjanti qabel l-1 ta’ Marzu 2021.

Jenħtieġ li jiġi applikat approċċ simili għall-infurzar tar-rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-għoti ta’ informazzjoni għall-provvisti tal-elettriku esterni skont ir-Regolament (UE) 2019/1782 sal-1 ta’ Ottubru 2020.


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2013 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħol it-tikkettar tal-enerġija tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 1).

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2014 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 29).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2016 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija ta’ apparat refriġeranti u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1060/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 102).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2017 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 134).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1782 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-provvisti tal-elettriku esterni skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 (ĠU L 272, 25.10.2019, p. 95).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta' Mejju 2020

(2020/C 182/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1136

JPY

Yen Ġappuniż

119,29

DKK

Krona Daniża

7,4542

GBP

Lira Sterlina

0,90088

SEK

Krona Żvediża

10,4870

CHF

Frank Żvizzeru

1,0720

ISK

Krona Iżlandiża

150,80

NOK

Krona Norveġiża

10,7880

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,921

HUF

Forint Ungeriż

348,73

PLN

Zloty Pollakk

4,4495

RON

Leu Rumen

4,8493

TRY

Lira Turka

7,6101

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6681

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5280

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6347

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7863

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5712

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 376,21

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

19,4239

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9456

HRK

Kuna Kroata

7,5870

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 269,70

MYR

Ringgit Malażjan

4,8414

PHP

Peso Filippin

56,231

RUB

Rouble Russu

78,4416

THB

Baht Tajlandiż

35,424

BRL

Real Brażiljan

5,9654

MXN

Peso Messikan

24,5700

INR

Rupi Indjan

84,1025


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/5


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-1 ta' Ġunju 2020

(2020/C 182/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1116

JPY

Yen Ġappuniż

119,75

DKK

Krona Daniża

7,4549

GBP

Lira Sterlina

0,89673

SEK

Krona Żvediża

10,4635

CHF

Frank Żvizzeru

1,0686

ISK

Krona Iżlandiża

151,00

NOK

Krona Norveġiża

10,7890

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,859

HUF

Forint Ungeriż

345,45

PLN

Zloty Pollakk

4,4278

RON

Leu Rumen

4,8437

TRY

Lira Turka

7,5743

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6488

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5228

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,6165

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7824

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5669

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 364,44

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

19,3993

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9327

HRK

Kuna Kroata

7,5895

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 240,48

MYR

Ringgit Malażjan

4,8004

PHP

Peso Filippin

55,947

RUB

Rouble Russu

77,4378

THB

Baht Tajlandiż

35,204

BRL

Real Brażiljan

5,9276

MXN

Peso Messikan

24,4520

INR

Rupi Indjan

83,9380


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/6


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-prattiki restrittivi u pożizzjonijiet dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta’ Frar 2020 dwar abbozz ta’ deċiżjoni fil-Każ AT.40528 — Meliá (Holiday Pricing)

Relatur: Franza

(2020/C 182/05)

1.   

Il-membri (7 Stati Membri) tal-Kumitat Konsultattiv jaqblu mal-Kummissjoni li l-kuntratti vertikali ta’ Melia ma’ operaturi turistiċi kif deskritti fl-abbozz tad-deċiżjoni jillimitaw il-bejgħ attiv u passiv għall-akkomodazzjoni f’lukanda u jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni fl-għan tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   

Il-membri (7 Stati Membri) tal-Kumitat Konsultattiv jaqblu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fl-abbozz ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ kemm dam għaddej il-ksur.

3.   

Il-membri (7 Stati Membri) tal-Kumitat Konsultattiv jaqblu mal-Kummissjoni li l-imġiba antikompetittiva koperta mill-abbozz ta’ deċiżjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE u l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE.

4.   

Il-membri (7 Stati Membri) tal-Kumitat Konsultattiv jaqblu mal-Kummissjoni li jenħtieġ li tiġi imposta multa fuq id-destinatarji tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

5.   

Il-membri (7 Stati Membri) tal-Kumitat Konsultattiv jaqblu mal-Kummissjoni dwar l-ammont finali tal-multa, inkluż it-tnaqqis tagħha bbażata fuq il-punt 37 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-metodu ta’ stabbiliment ta’ multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

6.   

Il-membri (7 Stati Membri) tal-Kumitat Konsultattiv jirrakkomandaw il-pubblikazzjoni tal-opinjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/7


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ AT.40528 — Meliá (Holiday Pricing)

(2020/C 182/06)

(1)   

L-abbozz ta’ deċiżjoni indirizzata lil Meliá Hotels International, S.A. (“Meliá”) sabet li Meliá kisret l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) permezz ta’ ksur uniku u kontinwu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2015 billi kkonkludiet u/jew implimentat kuntratti vertikali li kienu differenzjati bejn il-konsumaturi taż-ŻEE abbażi tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom u b’hekk illimitat il-bejgħ attiv u passiv ta’ akkomodazzjoni f’lukandi.

(2)   

Fit-2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bdiet proċeduri skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004 (2) kontra Meliá.

(3)   

Fil-5 ta’ Awwissu 2019, Meliá ssottomettiet offerta formali għal kooperazzjoni (“Sottomissjoni ta’ Riżolviment”) bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3). Is-Sottomissjoni ta’ Riżolviment tinkludi:

rikonoxximent, f’termini ċari u mhux ekwivoċi, tar-responsabbiltà ta’ Meliá għall-ksur deskritt fis-Sottomissjoni ta’ Riżolviment, fir-rigward tal-fatti prinċipali, il-kwalifika legali tagħhom, ir-rwol ta’ Meliá fil-ksur u t-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni ta’ Meliá fil-ksur;

indikazzjoni tal-multa massima li Meliá tistenna li l-Kummissjoni timponi u li Meliá taċċetta fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni;

il-konferma li d-drittijiet tad-difiża ta’ Meliá ġew rispettati bis-sħiħ, b’mod partikolari li Meliá ġiet informata biżżejjed bl-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qed tipprevedi li tqajjem kontriha u li kienet ingħatat opportunità biżżejjed biex tagħmel l-opinjonijiet tagħha magħrufa lill-Kummissjoni;

konferma li Meliá ingħatat opportunità biżżejjed li taċċessa il-provi li jissostanzjaw l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni u d-dokumenti l-oħra kollha fid-dossier tal-Kummissjoni, u li hija ma kellhiex l-intenzjoni titlob aċċess ulterjuri għad-dossier jew li tinstema’ mill-ġdid f’seduta orali, salv jekk il-Kummissjoni ma tirriflettix is-Sottomissjoni ta’ Riżolviment fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni;

Il-qbil ta’ Meliá li tirċievi d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni adottata skont l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 bl-Ingliż.

(4)   

Fl-4 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ġiet innotifikata lil Meliá fis-6 ta’ Novembru 2019. Fl-20 ta’ Novembru 2019, Meliá wieġbet u kkonfermat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirrifletti l-kontenut tas-Sottomissjoni ta’ Ħlas tagħha u li hija baqgħet impenjata għall-proċedura ta’ kooperazzjoni.

(5)   

Il-ksur ikkonstatat u l-multa imposta fl-abbozz ta’ deċiżjoni jikkorrispondu għal dawk rikonoxxuti u aċċettati fis-Sottomissjoni ta’ Riżolviment. L-ammont bażiku tal-multa huwa mnaqqas bi 30 % għar-raġuni li Meliá ikkooperat mal-Kummissjoni lil hinn mill-obbligu legali tagħha li għamlet dan billi rrikonoxxiet il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar l-aġir, kif ukoll billi ikkooperat fuq l-għoti ta’ provi, u b’hekk issaħħet sa ċertu punt il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur, u neħħiet ċerti drittijiet proċedurali li rriżultaw f’effiċjenzi amministrattivi.

(6)   

F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, eżaminajt jekk l-Abbozz tad-Deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom Meliá ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha. Nikkonkludi li jagħmel dan.

(7)   

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li t-tħaddim effettiv tad-drittijiet proċedurali, f’dan il-każ, ġie rrispettat.

Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18, emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2015/1348 tat-3 ta’ Awwissu 2015 (ĠU L 208, 5.8.2015, p. 3).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) (ir-“Regolament 1/2003”).


2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/9


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta’ Frar 2020

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

Il-Każ AT.40528 — Meliá (Holiday pricing)

(notifikat bid-dokument Nru C (2020) 893)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2020/C 182/07)

Fil-21 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lil Meliá Hotels International, S.A (minn issa ’l quddiem Meliá) fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“Trattat”) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”).

(2)

Bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2015, Meliá pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu rigward kuntratti vertikali konklużi minn Meliá ma’ operaturi turistiċi, li jillimitaw il-bejgħ attiv u passiv ta’ akkomodazzjoni f’lukandi.

2.   PROĊEDURA

(3)

Bid-Deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bdiet proċeduri skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 kontra Meliá.

(4)

Fil-5 ta’ Awwissu 2019, Meliá ssottomettiet offerta formali għal kooperazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(5)

Fl-4 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet indirizzata lil Meliá Fl-20 ta’ Novembru 2019, Meliá ppreżentat it-tweġiba tagħha għad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet.

(6)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-10 ta’ Frar 2020.

3.   FATTI

(7)

Ir-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Meliá ma’ operaturi turistiċi għad-distribuzzjoni ta’ akkomodazzjoni f’lukandi f’ċentri tal-vaganzi ta’ Meliá huma bbażati fuq kuntratti bil-miktub. Uħud minn dawk il-kuntratti huma bbażati fuq termini u kundizzjonijiet standard ta’ Meliá (“Termini Standard ta’ Meliá”).

(8)

Waħda mill-klawsoli tat-Termini Standard ta’ Meliá (“il-Klawsola”) kienet tgħid dan li ġej: “SUQ TAL-APPLIKAZZJONI: il-kuntratt validu biss u esklussivament għas-swieq li huma ddettaljati fl-osservazzjoni 16. il-lukanda ser tkun tista’ titlob lill-aġenzija/operatur tal-ġiti biex tivverifika s-suq tal-oriġini ta’ kwalunkwe riżerva li fuqha jeżisti xi dubju raġonevoli, fi kwalunkwe każ, jekk mal-wasla tal-klijenti fil-lukanda, jiġi vverifikat li l-pajjiż ta’ residenza tagħhom huwa differenti minn dak miftiehem skont il-kuntratt, il-lukanda tkun intitolata li tirrifjuta r-riżervazzjoni ”.

(9)

Fil-kuntratti individwali ma’ operaturi tal-ġiti, l-Osservazzjoni 16 kienet jew vojta jew speċifikat il-pajjiż jew il-pajjiżi li għalihom kien validu l-kuntratt.

(10)

Skont l-informazzjoni sottomessa minn Meliá, 2 212 mill-kuntratti ta’ Meliá ma’ operaturi tal-ġiti fis-seħħ fl-2014 li fihom il-Klawsola speċifikaw mill-inqas pajjiż wieħed taż-ŻEE fl-Osservazzjoni 16. Fl-2015, din iċ-ċifra kienet ta’ 2 004 kuntratti. Il-kuntratti li fihom il-Klawsola u li jispeċifikaw mill-inqas pajjiż wieħed taż-ŻEE fl-Osservazzjoni 16 li kienu fis-seħħ fl-2014 u l-2015 flimkien jissejħu l-“Kuntratti Rilevanti”.

4.   VALUTAZZJONI LEGALI

(11)

Il-Kuntratti Rilevanti jikkostitwixxu ftehimiet skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

(12)

Fil-Kuntratti Rilevanti, Meliá u l-operaturi tal-ġiti kontraenti speċifikaw it-territorji li għalihom kien japplika kull kuntratt u b’hekk iddifferenzjaw bejn il-konsumaturi Ewropej fuq il-bażi tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

(13)

Il-kontenut u l-għan tal-Klawsola tal-Kundizzjonijiet Standard ta’ Meliá, flimkien mal-Osservazzjoni 16 tal-Kuntratti Rilevanti, kienu li jillimitaw il-kapaċità tal-operaturi tal-ġiti li jbigħu l-akkomodazzjoni fil-lukandi ta’ Meliá għal, u/jew li jirrispondu għal talbiet mhux soliċitati minn, konsumaturi li jirrisjedu barra mill-pajjiż jew pajjiżi speċifikati fl-Osservazzjoni 16.

(14)

Għaldaqstant, dawn il-ftehimiet irrestrinġew il-kapaċità tal-operaturi turistiċi li jbigħu liberament l-akkomodazzjoni tal-lukandi fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE u għalhekk setgħu wasslu biex is-suq intern jinqasam skont il-fruntieri nazzjonali. Min-natura tagħha stess din l-imġiba tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni bi skop skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(15)

Id-Deċiżjoni ssib ukoll li l-imġiba ta’ Meliá mhijiex eżentata skont ir-Regolament (UE) Nru 330/2010, u lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

5.   TUL TA’ ŻMIEN

(16)

Il-Kuntratti Rilevanti kienu fis-seħħ matul l-2014 u l-2015. Il-ksur dam mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2015.

6.   RIMEDJI U MULTI

(17)

Meliá kkonfermat li ttieħdu l-miżuri meħtieġa biex il-ksur jinġieb fi tmiemu. Madankollu, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni titlob formalment lil Meliá li ttemm il-ksur b’mod effettiv, jekk dan ma jkunx diġà sar, u li żżomm lura minn kwalunkwe ftehim jew prattika miftiehma li jista’ jkollha għan jew effett identiku jew simili. Din id-Deċiżjoni sabet ukoll li l-ksur sar intenzjonalment, jew almenu b’negliġenza, u li jeħtieġ li tiġi imposta multa.

L-ammont bażiku tal-multa

(18)

Fl-iffissar ta’ multi, fil-prinċipju l-Kummissjoni tqis il-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena finanzjarja sħiħa tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis id-dħul ta’ Meliá għas-servizzi tal-akkomodazzjoni fil-lukandi ġġenerati matul l-2015 u mibjugħa skont it-Termini Standard ta’ Meliá, u fejn il-kuntratt bejn Meliá u l-operatur turistiku kienu jispeċifikaw mill-inqas pajjiż wieħed taż-ŻEE fl-Osservazzjoni 16.

Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

(19)

Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti preżenti f’dan il-każ.

Żieda speċifika bħala deterrent

(20)

F’dan il-każ mhuwiex meħtieġ li tiġi applikata xi żieda bħal din

Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(21)

Il-multa kkalkulata ma taqbiżx l-10 % tal-fatturat totali ta’ Meliá.

Tnaqqis tal-multa fid-dawl ta’ kooperazzjoni

(22)

Sabiex tiġi riflessa l-kooperazzjoni ta’ Meliá mal-Kummissjoni lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan, l-ammont bażiku tal-multa huwa mnaqqas bi 30 % skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi.

Ammont finali tal-multa

(23)

L-ammont finali tal-multa imposta fuq Meliá skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 huwa EUR 6 678 000.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.


Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/12


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-mandat ta’ negozjar biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ New Zealand

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

(2020/C 182/08)

Fit-30 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. L-għan ta’ dan il-Ftehim previst għandu jkun li jipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti ta’ New Zealand rispettivament, sabiex jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjonijiet u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja transnazzjonali u t-terroriżmu, filwaqt li jiżgura salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza, tad-data personali u tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi oħra.

It-trasferimenti ta’ data personali miġbura fil-kuntest tal-investigazzjonijiet kriminali u ulterjorment ipproċessata mill-Europol għall-ġenerazzjoni tal-intelliġenza kriminali jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-individwi kkonċernati. Għal dik ir-raġuni, il-ftehim internazzjonali jrid jiżgura li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data b’rabta mal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu japplikaw biss sa fejn huwa strettament meħtieġ.

L-EDPS jinnota li New Zealand għandha leġiżlazzjoni nazzjonali ferm stabbilita dwar il-protezzjoni tad-data u awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, kompetenti biex tissorvelja wkoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, huwa japprezza l-fatt li l-Kummissjoni inkorporat fil-mandat ta’ negozjar propost ma’ New Zealand, numru ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi diġà espressi mill-EDPS fl-Opinjoni tiegħu ta’ 2/2018 dwar tmien mandati ta’ negozjar biex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta’ data bejn l-Europol u pajjiżi terzi.

Għaldaqstant, l-għan tar-rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni huwa li jiġu kkjarifikati u, fejn meħtieġ, ulterjorment żviluppati is-salvagwardji u l-kontrolli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, waqt li jiġi kkunsidrat il-kuntest speċifiku ta’ New Zealand. Għal dan il-għan, l-EDPS jirrakkomanda li:

d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati skont l-Artikolu 218 tat-TFUE għandu jkun fiha referenza mhux biss għall-bażi legali proċedurali iżda wkoll għall-bażi legali sostantiva relevanti, li għandha tinkludi l-Artikolu 16 tat-TFUE;

f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-Ftehim previst għandu b’mod espliċitu jistipula l-lista tar-reati kriminali li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi skambjata data personali;

fid-dawl tal-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-ħżin, il-Ftehim futur għandu speċifikament jipprevedi għal rieżami perjodika tal-ħtieġa għall-ħżin tad-data personali trasferita;

minħabba l-importanza tad-dritt għall-informazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet l-oħra tal-protezzjoni tad-data, il-Ftehim għandu jinkludi regoli ċari u dettaljati rigward l-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġetti tad-data.

Fl-aħħar, l-EDPS jistenna li jiġi kkonsultat fi stadji aktar ’il quddiem dwar il-finalizzazzjoni tal-abbozz tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Huwa jibqa’ disponibbli għal aktar pariri matul in-negozjati.

1.   Introduzzjoni u sfond

1.

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (1), (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-Europol”), jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-trasferimenti tad-data mill-Europol barra l-UE. L-Artikolu 25(1) tiegħu jelenka għadd ta’ raġunijiet legali li abbażi tagħhom il-Europol ikun jista’ jittrasferixxi d-data b’mod legali lill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi. Possibbiltà waħda tkun deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 36 tad-Direttiva (UE) 2016/680, li ssib li l-pajjiż terz li lilu l-Europol jittrasferixxi d-data jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni. Billi attwalment ma teżisti l-ebda deċiżjoni ta’ adegwatezza bħal din, l-alternattiva l-oħra għall-Europol biex regolarment tittrasferixxi d-data f’pajjiż terz tkun il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti bejn l-UE u l-pajjiż terz riċeventi li jiggarantixxi salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali l-oħra tal-individwi.

2.

Attwalment, ma hemm l-ebda bażi legali għall-iskambju regolari u strutturat ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ New Zealand. Il-Europol u l-Pulizija ta’ New Zealand iffirmaw arranġament ta’ ħidma f’April 2019. Dan l-arranġament jipprevedi qafas għal kooperazzjoni strutturata fuq livell strateġiku, inkluża linja sikura li tippermetti komunikazzjoni diretta sikura, u New Zealand allokat uffiċjal ta’ kollegament mal-Europol. Madankollu, dan ma jipprovdix bażi legali għall-iskambju ta’ data personali.

3.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun meħtieġ li New Zealand tiġi miżjuda bħala pajjiż ta’ prijorità sabiex fi żmien qasir jinbdew in-negozjati fid-dawl tal-istrateġija politika deskritta fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (2), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (3), l-Istrateġija Globali (4) u r-rekwiżiti operazzjonali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE kollha. Din tenfasizza li l-benefiċċji potenzjali ta’ aktar kooperazzjoni mill-qrib intwerew ukoll bis-segwitu tal-attakk fuq Christchurch f’Marzu 2019. New Zealand formalment għamlet talba għall-inizjattiva fit-23 ta’ Awwissu 2019.

4.

Fit-30 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet ta’ New Zealand kompetenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (5) (minn hawn ’il quddiem “ir-Rakkomandazzjoni”). L-Anness għar-Rakkomandazzjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Anness”) jistabbilixxi d-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill lill-Kummissjoni, jiġifieri l-għanijiet li din tal-aħħar għandha timmira li tikseb f’isem l-UE matul in-negozjati.

5.

L-għan ta’ dan il-Ftehim previst għandu jkun li jipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment ta’ data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tan-New Zealand rispettivament, sabiex jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan il-pajjiż u l-Istati Membri kif ukoll il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja transnazzjonali u t-terroriżmu, filwaqt li jiżgura salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza, tad-data personali u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi (6).

6.

Skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-EDPS wara l-adozzjoni ta’ proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, fejn ikun hemm impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

7.

Barra minn hekk, il-Premessa 35 tar-Regolament tal-Europol tipprevedi li “fejn adatt u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tikkonsulta lill-EDPS qabel u waqt in-negozjati ta’ ftehim internazzjonali bejn l-UE u pajjiż terz li jippermetti l-iskambju ta’ data bejn il-Europol u l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż terz”.

8.

L-EDPS jilqa’ l-fatt li ġie kkonsultat dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u jistenna li referenza għal din l-Opinjoni tkun inkluża fil-preambolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. L-Opinjoni preżenti hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kumment addizzjonali li l-EDPS jista’ jagħmel fuq il-bażi ta’ informazzjoni ulterjuri disponibbli aktar tard.

4.   Konklużjonijiet

27.

It-trasferimenti tad-data personali miġbura fil-kuntest tal-investigazzjonijiet kriminali u pproċessata ulterjorment mill-Europol għall-ġenerazzjoni tal-intelliġenza kriminali jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-individwi kkonċernati, peress li potenzjalment jistgħu jintużaw fil-każijiet ta’ prosekuzzjoni fil-pajjiż riċeventi taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Għaldaqstant, il-ftehim internazzjonali jrid jiżgura li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data b’rabta mal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu japplikaw biss sa fejn ikun strettament meħtieġ.

28.

L-EDPS jilqa’ l-għan tal-mandat ta’ negozjar li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess imparzjali fl-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, l-EDPS japprezza l-fatt li l-Kummissjoni inkorporat fil-mandat ta’ negozjar propost ma’ New Zealand numru ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi diġà espressi mill-EDPS fl-Opinjoni tiegħu ta’ 2/2018 dwar tmien mandati ta’ negozjar biex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta’ data bejn il-Europol u pajjiżi terzi.

29.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-EDPS f’din l-Opinjoni huma mmirati biex jikkjarifikaw u, fejn meħtieġ, ikomplu jiżviluppaw is-salvagwardji u l-kontrolli fil-Ftehim futur fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest speċifiku ta’ New Zealand. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rakkomandazzjoni addizzjonali li l-EDPS jista’ jagħmel abbażi ta’ informazzjoni ulterjuri disponibbli matul in-negozjati.

30.

Għal dan il-għan, l-EDPS jirrepeti l-pożizzjoni tiegħu mill-opinjonijiet preċedenti tiegħu (7) li d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati skont l-Artikolu 218 tat-TFUE għandu jkun fiha referenza mhux biss għall-bażi legali proċedurali iżda wkoll għall-bażi legali sostantiva relevanti, li għandha tinkludi l-Artikolu 16 tat-TFUE. Sussegwentement, f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-Ftehim futur għandu jistabbilixxi b’mod espliċitu l-lista tar-reati kriminali li dwarhom jista’ jsir skambju ta’ data personali. Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-ħżin, il-Ftehim futur għandu speċifikament jipprovdi għal rieżami perjodiku tal-ħtieġa għal aktar ħżin tad-data personali trasferita. Finalment, minħabba l-importanza speċjali tad-dritt għall-informazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet l-oħra tal-protezzjoni tad-data, l-EDPS jenfasizza l-ħtieġa għal regoli ċari u dettaljati rigward l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data.

31.

L-EDPS jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew biex jipprovdi pariri waqt stadji aktar tard ta’ dan il-proċess. Il-kummenti f’din l-Opinjoni huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kumment addizzjonali li l-EDPS jista’ jagħmel hekk kif jistgħu jirriżultaw kwistjonijiet ulterjuri u li imbagħad jiġu indirizzati ladarba tkun disponibbli aktar informazzjoni. Għal dan il-għan, l-EDPS jistenna li jiġi kkonsultat aktar tard dwar id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-Ftehim qabel il-finalizzazzjoni tiegħu.

Brussell, il-31 ta’ Jannar 2020.

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

(2)  COM(2015) 185 finali.

(3)  Dokument tal-Kunsill 10384/17, tad-19 ta’ Ġunju 2017.

(4)  Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b’Saħħitha - Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea http://europa.eu/globalstrategy/en

(5)  COM(2019) 551 finali.

(6)  Ara d-Direttiva 1 tal-Anness.

(7)  Ara l-Opinjoni 6/2019 tal-EDPS dwar il-mandat ta’ negozjar ta’ Ftehim bejn l-UE u l-Ġappun għat-trasferiment u l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, l-Opinjoni 2/2019 tal-EDPS dwar il-mandat ta’ negozjar ta’ ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-aċċess transkonfinali għal evidenza elettronika u l-Opinjoni 3/2019 tal-EDPS dwar il-parteċipazzjoni fin-negozjati dwar it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità ta’ Budapest, disponibbli fuq https://edps.europa.eu/data-protection/our-work/our-work-by-type/opinions_en