ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 171A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
19 ta' Mejju 2020


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 171 A/01

L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), Bilbao — Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv (Aġent Temporanju — Grad AD 14) — COM/2020/20049

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

19.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 171/1


L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), Bilbao

Pubblikazzjoni ta’ post battal għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2020/20049

(2020/C 171 A/01)

 

Min aħna

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (“EU-OSHA”) hija aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni Ewropea (UE), li nħolqot fl-1994 u tinsab f’Bilbao, Spanja. Hija rregolata bir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

L-objettiv tal-EU-OSHA huwa li tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lil atturi oħra involuti fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol bl-informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika rilevanti u l-għarfien espert kwalifikat f’dak il-qasam sabiex ittejjeb l-ambjent tax-xogħol fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

Għal dak il-għan, l-EU-OSHA għandha ssaħħaħ u xxerred l-għarfien, tipprovdi evidenza u servizzi għat-tfassil tal-politika, fosthom konklużjonijiet abbażi tar-riċerka, u għandha tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien fost u bejn l-Unjoni u l-atturi nazzjonali.

Għal aktar informazzjoni kkonsulta s-sit web tal-Aġenzija: https://osha.europa.eu/mt

X’qegħdin nipproponu

Qegħdin nipproponu pożizzjoni maniġerjali għolja f’aġenzija Ewropea prominenti fil-qasam tal-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Id-Direttur Eżekuttiv huwa/hija responsabbli mill-ġestjoni kumplessiva tal-EU-OSHA b’konformità mat-tmexxija strateġika stabbilita mill-Bord Maniġerjali. Id-Direttur Eżekuttiv huwa/hija r-rappreżentant(a) legali tal-EU-OSHA, u jenħtieġ li jkun/tkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu/dmirijietha u jkun/tkun responsabbli mill-attivitajiet tiegħu/tagħha fil-konfront tal-Bord Maniġerjali. Ir-rwol u r-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv jinkludu dan li ġej:

l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-EU-OSHA;

it-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-EU-OSHA;

il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet relatati mal-attivitajiet tal-EU-OSHA u tal-ġestjoni baġitarja soda u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-istrutturi interni tal-EU-OSHA;

it-tħejjija u l-preżentazzjoni tad-dokument ta’ programmazzjoni għall-approvazzjoni tal-Bord Amministrattiv, wara li ssir konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

l-implimentazzjoni tad-dokument ta’ programmazzjoni u r-rappurtar lill-Bord Maniġerjali dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

it-tħejjija tar-rapport konsolidat annwali tal-attivitajiet tal-EU-OSHA u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord Maniġerjali li jivvalutah u jadottah;

il-ħolqien ta’ sistema ta’ monitoraġġ effettiva li tippermetti evalwazzjonijiet regolari tal-programmi u tal-attivitajiet tal-EU-OSHA;

it-tħejjija tal-abbozz tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-EU-OSHA;

it-tħejjija tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-EU-OSHA u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-EU-OSHA;

it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni bħala segwitu tal-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u r-rapportar dwar il-progress lill-Kummissjoni u lill-Bord Maniġerjali u lill-Bord Eżekuttiv;

l-għan li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi fi ħdan l-EU-OSHA;

il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

it-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi tal-EU-OSHA;

fejn rilevanti, il-kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni magħhom.

Għal aktar informazzjoni agħti ħarsa lejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Qegħdin infittxu (il-kriterji tal-għażla)

Il-kandidat(a) ideali jkun/tkun professjonist(a) dinamiku/a u li jispikka/tispikka li jenħtieġ li jissodisfa/tissodisfa l-kriterji tal-għażla li ġejjin:

(a)

Esperjenza maniġerjali, u b’mod partikolari:

Ħiliet maniġerjali ppruvati, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operazzjonali;

Kapaċità eċċellenti ta’ żvilupp u implimentazzjoni ta’ viżjoni strateġika, stipular ta’ objettivi u ta’ motivazzjoni u tmexxija tan-nies f’ambjent multikulturali u multilingwi;

Ħiliet ippruvati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluża l-kapaċità ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’ambjent politiku kumpless u f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

Esperjenza prattika fil-ġestjoni baġitarja, finanzjarja u tar-riżorsi umani f’kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali.

(b)

Għarfien tekniku u esperjenza, u b’mod partikolari:

Għarfien tajjeb ħafna tal-politiki Ewropew u l-politiki nazzjonali tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

Abbiltà ta’ interazzjoni u negozjar fl-ogħla livell ta’ maniġment mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif ukoll ma’ awtoritajiet pubbliċi u sħab soċjali;

Għarfien tajjeb ħafna tal-istituzzjonijiet tal-UE u ta’ kif joperaw u jinteraġixxu, kif ukoll tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji tal-UE, tal-politiki tal-UE u tal-attivitajiet internazzjonali ta’ rilevanza għall-attivitajiet tal-EU-OSHA.

(c)

Ħiliet fil-komunikazzjoni/in-negozjar, u b’mod partikolari:

Abbiltà ta’ komunikazzjoni effiċjenti mal-partijiet interessati u mal-pubbliku;

Komunikazzjoni eċċellenti bil-miktub u orali u ħiliet ta’ negozjar;

Parti kruċjali tal-kompiti tad-Direttur Eżekuttiv hija li jirrappreżenta/tirrapreżenta l-aġenzija f’fora internazzjonali u li jinteraġixxi/tinteraġixxi ma’ partijiet interessati f’kuntest internazzjonali. Sabiex il-persuna magħżula tkun tista’ tidħol immedjatament għall-kompiti ta’ Direttur Eżekuttiv, huwa indispensabbli għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż.

(d)

Kwalitajiet utli:

Esperjenza miksuba f’ambjent multikulturali;

L-abbiltà li l-persuna tadatta għall-prijoritajiet politiċi li qed jevolvu fil-livell tal-UE.

Il-kundizzjonijiet essenzjali (ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà)

Il-kandidati se jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Grad jew diploma minn università: il-kandidati għandu jkollhom:

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma u ċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar;

jew inkella livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom esperjenza professjonali postgradwatorja ta’ mill-inqas 15-il sena f’livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames (5) snin minn din l-esperjenza professjonali trid tkun f’qasam rilevanti mal-missjoni tal-Aġenzija.

Esperjenza maniġerjali: mill-anqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (2), f’qasam li huwa rilevanti għal din il-kariga.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista, jew parti minnha, issir f’din il-lingwa l-oħra.

Età massima: il-kandidati jridu jkunu jistgħu jlestu l-mandat sħiħ ta’ ħames (5) snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar, mill-mument tal-għeluq tal-applikazzjoni. Fil-każ tal-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (4)).

Barra minn hekk, il-kandidati jridu jkunu wettqu kull obbligu impost mil-liġi dwar is-servizz militari, jipproduċu r-referenzi tal-karattru adatti rigward l-idoneità tagħhom għat-twettiq ta’ dmirijiethom u għandhom ikunu fiżikament f’saħħithom biex iwettqu dmirijiethom.

Għażla u ħatra

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija abbażi ta’ lista qasira pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.

Biex tistabbilixxi din il-lista qasira, il-Kummissjoni Ewropea torganizza għażla skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara d-Dokument dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja (5)).

Bħala parti mill-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq, u li jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Filwaqt li jikkunsidra l-konklużjonijiet tal-bord ta’ preselezzjoni, is-CCA se jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ valutazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Filwaqt li jqis ir-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista qasira ta’ kandidati li jikkunsidra adatti biex jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Il-kandidati fuq il-lista qasira tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru/i tal-Kummissjoni responsabbli għad-Direttorat Ġenerali inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Aġenzija (6).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista qasira tal-kandidati l-aktar adattati, li tiġi kkomunikata lill-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jagħmel l-għażla tiegħu minn fost il-kandidati fuq il-lista qasira tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fuq il-lista l-qasira ma tiggarantixxix il-ħatra.

Qabel ma l-Bord Maniġerjali jaħtar wieħed jew waħda mill-kandidati fil-lista qasira, l-applikanti se jintalbu jindirizzaw lill-korpi kompetenti tal-Kunsill u tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew u jwieġbu għall-mistoqsijiet. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mbagħad jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jiddikjaraw l-ordnijiet ta’ preferenza tagħhom. Il-Bord Maniġerjali se jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv waqt li jikkunsidra dawn l-opinjonijiet.

Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-Aġenzija, il-proċedura tal-għażla ssir biss bl-Ingliż jew bil-Franċiż (7).

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (8).

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg huma stipulati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra (9).

Il-kandidat magħżul jiġi impjegat mill-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija bħala Aġent Temporanju fil-grad ta’ AD14. Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fl-iskala 1 jew fl-iskala 2 f’dan il-grad.

Il-kandidat li jintgħażel jinħatar għal mandat inizjali ta’ ħames snin, li possibbilment jiġi estiż għal massimu ta’ ħames snin addizzjonali skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija kif applikabbli fiż-żmien tal-ħatra.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal il-ġdid kollu, li jwettqu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

Il-post tal-impjieg huwa f’Bilbao, Spanja, fejn hija bbażata l-Aġenzija.

Il-post huwa disponibbli mis-16 ta’ Settembru 2021.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur Eżekuttiv jintalab/tintalab jagħmel/tagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi/taġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara/tiddikjara kull interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tiegħu/tagħha.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw l-istadji diversi tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz elettroniku validu. Dan ser jintuża biex tiġi konfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ l-kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, jekk jogħġbok żomm lill-Kummissjoni Ewropea informata dwar kwalunkwe tibdil fl-indirizz elettroniku tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, jeħtieġ li ttella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix email ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Tiġi kkuntattjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra elettronika lil:

HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Id-data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-Ġimgħa, id-19 ta’ Ġunju 2020, 12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li jekk ikun hemm traffiku tal-Internet qawwi jew xi problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek dan jista’ jwassal biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tilħaq tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba tagħlaq id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ tintroduċi iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard mhux se jiġu aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tal-bordijiet tal-għażla differenti huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħaddieħor. Il-mistoqsijiet kollha għandhom jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Il-protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni ser tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (10). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 58).

(2)  Għas-snin kollha li matulhom inkisbet l-esperjenza maniġerjali, jenħtieġ li l-kandidati, fil-curriculum vitae tagħhom, jindikaw b’mod ċar: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ta’ fuqhom u ta’ taħthom; u (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(3)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:31958R0001

(4)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140501

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(6)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811), ma jkunx iddelega dan il-kompitu lil Membru ieħor tal-Kummissjoni.

(7)  Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(8)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140501

(9)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20140501

(10)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.