ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 151

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
6 ta' Mejju 2020


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUNSILL

2020/C 151/01

Pożizzjoni (UE) Nru 5/2020 TAL-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi
Adottata mill-Kunsill fis-7 ta’ April 2020

1

2020/C 151/02

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill — Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżi minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonijiet permezz ta’ takografi

17


MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUNSILL

6.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/1


POŻIZZJONI (UE) Nru 5/2020 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi

Adottata mill-Kunsill fis-7 ta’ April 2020

2020/C 151/01

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għax-xufiera u kundizzjonijiet ġusti ta’ negozju għall-impriżi tat-trasport bit-triq huma tal-ogħla importanza għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq sikur, effiċjenti u soċjalment responsabbli sabiex tkun żgurata n-nondiskriminazzjoni u biex jiġu attirati ħaddiema kwalifikati. Biex dak il-proċess jiġi ffaċilitat huwa essenzjali li r-regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq ikunu ċari, proporzjonati, xierqa għall-iskop tagħhom, u faċli biex jiġu applikati u infurzati, u implimentati b’mod effettiv u konsistenti fl-Unjoni kollha.

(2)

Wara li ġew evalwati l-effettività u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tas-sett attwali ta’ regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq, u b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ġew identifikati ċerti nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ dak il-qafas legali. Regoli mhux ċari dwar il-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, il-faċilitajiet tal-mistrieħ u l-pawżi waqt il-multimanning kif ukoll in-nuqqas ta’ regoli dwar ir-ritorn tax-xufiera lejn djarhom, wasslu għal interpretazzjonijiet u għal prattiki ta’ infurzar diverġenti fl-Istati Membri. Diversi Stati Membri dan l-aħħar adottaw miżuri unilaterali li komplew żiedu l-inċertezza legali u t-trattament mhux ugwali tax-xufiera u tal-operaturi. Madanakollu, il-perijodi massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa huma effettivi fit-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali tax-xufiera u fit-titjib tas-sikurezza fit-toroq b’mod ġenerali. Sforzi bla waqfien huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità.

(3)

Sabiex tiġi promossa s-sikurezza fit-toroq, huwa importanti li l-impriżi tat-trasport jiġu mħeġġa jadottaw kultura ta’ sikurezza li tiġi osservata fil-livelli kollha. B’mod partikolari, sabiex jiġi evitat ksur tar-regoli dwar is-sewqan u l-mistrieħ, jew li tkun kompromessa s-sikurezza fit-toroq, jenħtieġ li ma jkunx permess li r-remunerazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni tiġi marbuta mal-ħin meħtieġ għat-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjonijiet tagħhom jew għall-konsenja tal-merkanzija.

(4)

Il-valutazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 kkonfermat li l-infurzar inkonsistenti u mhux effettiv tar-regoli soċjali tal-Unjoni kien prinċipalment ir-riżultat ta’ regoli mhux ċari, ta’ użu ineffiċjenti u mhux ugwali tal-għodod ta’ kontroll u ta’ kooperazzjoni amministrattiva insuffiċjenti bejn l-Istati Membri.

(5)

Sabiex jittejbu ċ-ċarezza u l-konsistenza, jenħtieġ li tiġi definita l-eżenzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 għall-użu mhux kummerċjali ta’ vettura.

(6)

Regoli ċari, xierqa, proporzjonati u infurzati b’mod uniformi huma kruċjali wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera, u b’mod partikolari li tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u ġusta bejn l-operaturi u li jkun hemm kontribuzzjoni għas-sikurezza fit-toroq għall-utenti kollha tat-toroq.

(7)

Instab li r-rekwiżiti eżistenti dwar il-pawżi ma kienux xieraq u prattiki għax-xufiera f’tim. Għalhekk, huwa xieraq li r-rekwiżit dwar ir-reġistrazzjoni tal-pawżi jiġi adattat għall-ispeċifiċità tal-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa minn xufiera li jsuqu bħala parti minn tim, mingħajr tnaqqis fis-sikurezza tax-xufier u fis-sikurezza tat-toroq.

(8)

Xufiera li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija fuq distanzi twal iqattgħu perijodi twal ’il bogħod minn djarhom. Ir-rekwiżiti attwali dwar il-mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jistgħu jtawlu dawk il-perijodi bla bżonn. Għaldaqstant ikun tajjeb li d-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jiġu adattati b’tali mod li jkun eħfef għax-xufiera li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali f’konformità mar-regoli u li jaslu lura fi djarhom għall-perijodu ta’ mistrieħ regolari tagħhom ta’ kull ġimgħa, u jingħataw kumpens sħiħ għall-perijodi kollha mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Minħabba d-differenzi bejn it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, din il-possibbiltà jenħtieġ li ma tapplikax għax-xufiera meta jkunu involuti fit-trasport tal-passiġġieri.

(9)

Kwalunkwe flessibbiltà fl-iskedar tal-perijodi ta’ mistrieħ tax-xufiera jenħtieġ li tkun trasparenti u prevedibbli għax-xufier u jenħtieġ li bl-ebda mod ma tipperikola s-sikurezza tat-toroq, billi żżid il-livell ta’ għejja tax-xufiera, jew inkella tiddeterjora l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Din il-flessibbiltà għalhekk jenħtieġ li ma tbiddilx il-ħin tax-xogħol attwali tax-xufier jew il-ħin tas-sewqan massimu ta’ kull ħmistax, u jenħtieġ li tkun suġġetta għal regoli aktar stretti dwar il-kumpens għal mistrieħ imnaqqas.

(10)

Sabiex ikun żgurat li din il-flessibbiltà ma tiġix abbużata, huwa essenzjali li jiġi definit b’mod ċar l-ambitu tagħha u wkoll li jiġu pprovduti kontrolli xierqa. Dak l-ambitu għandu għalhekk ikun limitat għal dawk ix-xufiera li jqattgħu l-perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, matul il-perijodu ta’ referenza, barra mill-Istati Membri tal-impriża u barra mill-pajjiż tal-post ta’ residenza tax-xuffier. Dan jista’ jiġi vverifikat b’konsultazzjoni tar-rekords tat-takografu mal-ġenb tat-triq u fil-bini tal-impriża tat-trasport, billi dawn jinkludu l-lokalizzazzjoni tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ mistrieħ u informazzjoni relatata ma’ xufiera individwali.

(11)

Sabiex ikun żgurat infurzar effettiv, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkunu qegħdin iwettqu l-kontrolli mal-ġenb tat-triq, jenħtieġ li jkunu kapaċi jiddeterminaw jekk il-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi tal-mistrieħ ikunux ġew osservati kif suppost fil-jum tal-kontroll u fis-56 jum ta’ qabel.

(12)

Il-progress teknoloġiku rapidu qed jirriżulta fl-awtomatizzazzjoni gradwali ta’ sistemi ta’ sewqan li jeħtieġu inqas jew ebda input dirett minn xufier. Biex jiġu indirizzati dawk il-bidliet, jista’ jkun meħtieġ li l-leġislazzjoni attwali, inklużi r-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ, tiġi adattata sabiex tiggarantixxi s-sikurezza fit-toroq u kundizzjonijiet ekwi u biex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tippermetti lill-Unjoni li tkun pijuniera ta’ teknoloġiji u prattiki innovattivi ġodda. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport li jevalwa l-użu ta’ sistemi tas-sewqan awtonomi fl-Istati Membri, inkluż il-benefiċċji tat-teknoloġiji tas-sewqan awtonomi. Jenħtieġ li dak ir-rapport ikun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġislattivi.

(13)

Sabiex jiġi promoss il-progress soċjali, huwa xieraq li jiġi speċifikat fejn jistgħu jittieħdu l-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, filwaqt li jiġi żgurat li x-xufiera jgawdu minn kundizzjonijiet ta’ mistrieħ adegwati. Il-kwalità tal-akkomodazzjoni hija partikolarment importanti matul il-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, li jenħtieġ li x-xufier iqatta’ f’akkomodazzjoni adatta li ma tkunx il-kabina tal-vettura, għas-spejjeż tal-impriża tat-trasport bħala impjegatur. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol u s-sikurezza tax-xufiera, huwa xieraq li jiġi ċċarat ir-rekwiżit li x-xufiera jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni ta’ kwalità u li tilqa’ kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel għall-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa tagħhom f’każ li dawn jittieħdu ’l bogħod minn djarhom.

(14)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst li l-impriżi tat-trasport jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b’tali mod li dawk il-perijodi li jqattgħu ’l bogħod minn djarhom ma jkunux eċċessivament twal u li x-xufiera jistgħu jibbenefikaw minn perijodi twal ta’ mistrieħ li jittieħdu bħala kumpens għal perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Jenħtieġ li l-organizzazzjoni tar-ritorn tippermetti l-wasla f’ċentru operazzjonali tal-impriża tat-trasport fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha jew il-post ta’ residenza tax-xufier, u li s-xufiera jkunu liberi li jagħżlu fejn iqattgħu l-perijodu ta’ mistrieħ tagħhom. Sabiex jintwera li l- impriża tat-trasport tissodisfa l-obbligi tagħha rigward l-organizzazzjoni tar-ritorn regolari, l-impriża tat-trasport jenħtieġ li tkun tista’ tuża rekords tat-takografu, rosters tax-xogħol tax-xufiera jew dokumentazzjoni oħra. Tali evidenza jenħtieġ li tkun disponibbli fil-bini tal-impriża tat-trasport biex tiġi ppreżentata jekk mitluba mill-awtoritajiet ta’ kontroll.

(15)

Filwaqt li l-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u l-perijodi ta’ mistrieħ itwal ma jistgħux jittieħdu fil-vettura jew f’żona ta’ parkeġġ, iżda biss f’akkomodazzjoni xierqa, li tista’ tkun maġenb żona ta’ parkeġġ, huwa tal-akbar importanza li x-xufiera jkunu jistgħu jsibu żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri li jipprovdu livelli xierqa ta’ sigurtà u faċilitajiet xierqa. Il-Kummissjoni diġà studjat kif tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ ta’ kwalità għolja, inklużi r-rekwiżiti minimi meħtieġa. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tiżviluppa standards għal żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri. Dawk l-istandards jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ ta’ kwalità għolja. L-istandards jistgħu jiġu riveduti sabiex ikun hemm aċċess aħjar għal fjuwils alternattivi, f’konformità mal-politiki li qed jiżviluppaw dik l-infrastruttura. Huwa importanti wkoll li ż-żoni ta’ parkeġġ jinżammu ħielsa minn silġ u borra.

(16)

Żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri jenħtieġ li jkunu suġġetti għal proċeduri ta’ verifika sabiex jiġu ċċertifikati skont l-istandards tal-Unjoni. Dawk il-proċeduri ta’ verifika jenħtieġ li jiżguraw ukoll li ż-żoni ta’ parkeġġ ikomplu jissodisfaw dawn l-istandards. Il-Kummissjoni jenħtieġ għalhekk li tingħata l-kompitu li tħejji proċedura ta’ ċertifikazzjoni għall-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri fl-Unjoni.

(17)

Huwa fl-interess tas-sikurezza fit-toroq u tal-infurzar li x-xufiera kollha jenħtieġ li jkunu kompletament konxji tar-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ kif ukoll dwar il-periklu tal-għejja. Informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-faċilitajiet ta’ mistrieħ disponibbli hija ta’ importanza f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri permezz ta’ sit web faċli għall-utent. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinżamm aġġornata.

(18)

Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u s-sigurtà kontinwa taż-żoni ta’ parkeġġ, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards għal-livell ta’ servizz f’żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza u s-sigurtà taż-żoni ta’ parkeġġ. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(19)

Il-linji gwida TEN-T riveduti stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprevedu l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ fuq l-awtostradi bejn wieħed u ieħor kull 100 km biex l-utenti kummerċjali tat-toroq jingħataw spazju għall-parkeġġ li jkollu livell xieraq ta’ sikurezza u sigurtà. Sabiex jitħaffef u jiġi promoss il-bini ta’ infrastruttura xierqa għall-parkeġġ, huwa importanti li jkun hemm disponibbli biżżejjed opportunitajiet għall-kofinanzjament mill-Unjoni skont l-atti legali attwali u futuri tal-Unjoni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal dak l-appoġġ finanzjarju.

(20)

Bosta operazzjonijiet tat-trasport bit-triq fi ħdan l-Unjoni jinvolvu t-trasport b’bastiment jew bil-ferrovija għal parti mill-vjaġġ. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet ċari u xierqa dwar il-perijodi ta’ mistrieħ u tal-pawżi għal dawn l-operazzjonijiet.

(21)

Ix-xufiera xi kultant jiffaċċjaw ċirkostanzi imprevedibbli li jagħmluha impossibbli li jilħqu d-destinazzjoni mixtieqa għat-teħid tal-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tagħhom mingħajr ma jikser ir-regoli tal-Unjoni. Ikun tajjeb li ssir eħfef għax-xufiera li jlaħħqu ma’ dawk iċ-ċirkostanzi u li huma jkunu jistgħu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom għal perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali huma ċirkostanzi li jseħħu għal għarrieda li huma inevitabbli u li ma jistgħu jiġu antiċipati, fejn mingħajr ma jkun mistenni jisir impossibbli li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament fl-intier tagħhom għal perijodu qasir ta’ żmien. Għalhekk, tali ċirkostanzi ma jistgħux jiġu msemmija b’mod sistematiku biex tiġi evitata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar adegwat, ix-xufier jenħtieġ li jiddokumenta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw f’deroga mir-regoli. Barra minn hekk, jenħtieġ li salvagwardja tiżgura li l-ħin ta’ sewqan ma jkunx eċċessiv.

(22)

Biex jitnaqqsu u jiġu evitati l-prattiki ta’ infurzar diverġenti u biex ikomplu jiġu msaħħa l-effettività u l-effiċjenza tal-infurzar transfruntiera, huwa kruċjali li jiġu stabbiliti regoli ċari għal kooperazzjoni amministrattiva regolari bejn l-Istati Membri.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli nazzjonali dwar il-penali applikabbli għall-ksur tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jiġu implimentati b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv. Huwa importanti li jiġi żgurat aċċess faċli mill-professjonisti għall-informazzjoni dwar il-penali li japplikaw f’kull Stat Membru. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), tista’ tiffaċilita dan l-aċċess billi din l-informazzjoni ssir disponibbli permezz tas-sit web uniku għall-Unjoni kollha li jaġixxi bħala portal uniku biex jiġu aċċessati s-sorsi tal-informazzjoni u s-servizzi fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni stabbiliti mir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(24)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi ċċarata kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dak ir-Regolament u sabiex jiġu stabbiliti approċċi komuni għall-applikazzjoni u għall-infurzar tagħhom. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(25)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, jenħtieġ li jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni uniformi tal-obbligu ta’ reġistrar u ħżin tad-data relatata ta’ kwalunkwe qsim ta’ fruntiera tal-vettura u attivitajiet u dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti u l-funzjonijiet tad-data, u l-installazzjoni tat-takografi. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(26)

Biex tissaħħaħ il-kosteffettività tal-infurzar tar-regoli soċjali, is-sistemi tat-takografi attwali u intelliġenti jenħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ u takografi intelliġenti jenħtieġ li jkunu obbligatorjiwkoll għal vetturi kummerċjali ħfief li jaqbżu ċertu piż u li joperaw fit-trasport internazzjonali għall-kiri u għall-kumpens. Għalhekk, jenħtieġ li l-funzjonalitajiet tat-takografu jiġu mtejba sabiex ikun jista’ jkun hemm pożizzjonament aktar preċiż.

(27)

Il-kosteffettività tal-infurzar tar-regoli soċjali, l-iżvilupp rapidu ta’ teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni fl-ekonomija kollha tal-Unjoni u l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-kumpaniji tat-trasport internazzjonali bit-triq jagħmlu neċessarju li jitqassar il-perijodu tranżitorju għall-installazzjoni ta’ takografi intelliġenti fil-vetturi rreġistrati. It-takografi intelliġenti ser jikkontribwixxu għal kontrolli simplifikati u b’hekk jiffaċilitaw il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali.

(28)

Sabiex jiġi żgurat li x-xufiera, l-operaturi u l-awtoritajiet ta’ kontroll jibbenefikaw malajr kemm jista’ jkun mill-vantaġġi tat-takografi intelliġenti, inkluż ir-reġistrazzjoni awtomatizzata tagħhom ta’ qsim tal-fruntieri, jenħtieġ li l-flotti ta’ vetturi eżistenti jkunu mgħammra b’dan l-apparat f’perijodu ta’ żmien adegwat wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tekniċi dettaljati. Tali perijodu jiżgura żmien biżżejjed għat-tħejjija.

(29)

F’vetturi li ma jkunux mgħammra b’takografi intelliġenti, il-qsim ta’ fruntieri tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġi rreġistrat fit-takografu fl-eqreb waqfa possibbli mal-fruntiera jew wara l-qsim tagħha.

(30)

Ir-reġistrazzjoni ta’ attivitajiet fuq it-takografu hija parti importanti mix-xogħol tax-xufiera. Għalhekk, huwa kruċjali li x-xufiera jiġu pprovduti b’taħriġ xieraq dwar kif għandhom jintużaw karatteristiċi ġodda tat-takografi li qed jiġu introdotti fis-suq. Bħala impjegaturi, jenħtieġ li l-impriżi tat-trasport jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż marbuta ma’ dan it-taħriġ.

(31)

L-uffiċjali tal-kontroll li jivverifikaw il-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fis-settur tat-trasport bit-triq jiffaċċjaw sfidi minħabba l-varjetà ta’ apparati tat-takografu fl-użu u t-tekniki ta’ manipulazzjoni sofistikati li jevolvu b’mod rapidu. Dan huwa partikolarment il-każ meta dawk il-verifiki jitwettqu mal-ġenb tat-triq. Għalhekk, huwa kruċjali li l-uffiċjali tal-kontroll jirċievu taħriġ xieraq biex jiżguraw li jkunu konxji għal kollox tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tekniki ta’ manipulazzjoni.

(32)

Biex jitnaqqas il-piż fuq l-impriżi tat-trasport u l-awtoritajiet ta’ kontroll meta uffiċjal ta’ kontroll ineħħi s-siġill ta’ takografu għall-finijiet ta’ kontroll, jenħtieġ li jkun permess l-issiġillar mill-ġdid mill-uffiċjal ta’ kontroll taħt ċerti ċirkostanzi dokumentati sew.

(33)

Filwaqt li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi kontinwi, il-Kummissjoni qed tistudja l-possibbiltà li tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi ġodda li joffru l-istess benefiċċji u sigurtà bħal dawk offruti mit-takografu intelliġenti, bl-istess jew b’inqas spejjeż assoċjati.

(34)

Huwa importanti li l-impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti f’pajjiżi terzi jkunu suġġetti għal regoli ekwivalenti għar-regoli tal-Unjonimeta jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-livell tal-Unjoni u tipproponi soluzzjonijiet xierqa li jiġu nnegozjati fil-kuntest tal-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (“il-Ftehim AETR”).

(35)

It-trasport tal-merkanzija huwa differenti mit-trasport tan-nies. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa jekk jistgħux jiġu proposti regoli aktar adatti għat-trasport tal-passiġġieri, speċjalment għal servizzi okkażjonali kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(36)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb is-sikurezza fit-toroq u li jitjiebu l-kunidzzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera fl-Unjoni permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ fit-trasport bit-triq u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-użu u l-infurzar tat-takografi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba fin-natura tal-għanijiet, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(37)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(-aa)

mill-1 ta’ Lulju 2026, għat-trasport ta’ merkanzija f’operazzjonijiet ta’ trasport internazzjonali jew f’operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, fejn il-massa massima permissibbli tal-vettura, inkluż kwalunkwe trejler, jew semitrejler, taqbeż it-2,5 tunnellati; jew”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (aa) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(aa)

vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi b’massa permissibbli massima li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati li jintużaw:

(i)

għall-ġarr ta’ materjali, tagħmir jew makkinarju għall-użu tax-xufier matul xogħol ix-xufier, jew

(ii)

għall-konsenja ta’ merkanzija li hija maħduma fuq bażi artiġġjanali,

biss f’raġġ ta’ 100 km mis-sede tal-impriża u bil-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma jikkostitwixxix l-attività ewlenija tax-xufier u li t-trasport ma jsirx b’kiri jew b’kumpens;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ha)

vetturi b’massa permissibbli massima, inkluż kwalunkwe trejler, jew semitrejler li jaqbeż it-2,5 tunnellati iżda li ma jaqbiżx it-3,5 tunnellati li huma użati għat-trasport ta’ merkanzija, fejn it-trasport ma jsirx b’kiri jew b’kumpens, iżda għall-kont proprju tal-kumpanija jew tax-xufier, u meta s-sewqan ma jikkostitwixxix l-attività ewlenija tal-persuna li ssuq il-vettura.”;

(3)

fl-Artikolu 4, jiżdied il-punt li ġej:

“(r)

"trasport mhux kummerċjali" tfisser kwalunkwe trasport bit-triq, għajr trasport b’kiri jew kumpens jew għall-kont proprju, li għalih ebda remunerazzjoni diretta jew indiretta ma tiġi riċevuta u li ma jiġġenera ebda dħul direttament jew indirettament għax-xufier tal-vettura jew għal oħrajn, u fejn ma jkun hemm ebda rabta ma’ attività professjonali jew kummerċjali.”;

(4)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Xufier għandu jirreġistra bħala xogħol ieħor kwalunkwe ħin li jqatta’ kif deskritt fil-punt (e) tal-Artikolu 4 kif ukoll kwalunkwe ħin li jqatta’ jsuq vettura li tintuża għal operazzjonijiet kummerċjali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kwalunkwe perijodu ta’ disponibbiltà, kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15/KE, f’konformità mal-punt (b)(iii) tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja ta’ reġistrazzjoni jew fuq karta stampata jew permezz ta’ faċilitajiet oħra ta’ reġistrazzjoni manwali fuq tagħmir ta’ reġistrazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).”;"

(5)

fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Xufier li jwettaq multimanning jista’ jieħu pawża ta’ 45 minuta f’vettura misjuqa minn xufier ieħor diment li x-xufier li jkun qed jieħu l-pawża ma jkunx involut f’assistenza lix-xufier li jkun qed isuq il-vettura.”;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Fi kwalunkwe ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

(a)

żewġ perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, jew

(b)

perijodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perijodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa.

Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta’ sitt perijodi ta’ 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa preċedenti.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, xufier involut fit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija jista’, barra mill-Istat Membru ta’ stabbiliment, jieħu żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, sakemm ix-xufier fi kwalunkwe erba’ ġimgħat konsekuttivi jieħu mill-inqas erba’ perijodi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, xufier għandu jitqies li huwa involut fit-trasport internazzjonali meta x-xufier jibda ż-żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa barra mill-Istat Membru tal-istabbiliment tal-impjegatur u l-pajjiż tal-post ta’ residenza tax-xufiera.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6b.   Kwalunkwe tnaqqis fil-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa għandu jiġi kkumpensat b’perijodu ta’ mistrieħ ekwivalenti meħud f’daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa ta’ wara l-ġimgħa inkwistjoni.

Meta żewġ perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jkunu ttieħdu konsekuttivament f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 6, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa li jmiss għandu jiġi preċedut minn perijodu ta’ mistrieħ meħud bħala kumpens għal dawk iż-żewġ perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.”;

(c)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perijodi mnaqqas preċedenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ma għandhomx jittieħdu f’vettura. Dawn għandhom jittieħdu f’akkomodazzjoni xierqa u li tirrispetta l-ġeneri, b’faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adegwati.

Kwalunkwe spiża għall-akkomodazzjoni barra mill-vettura għandu jagħmel tajjeb għaliha l-impjegatur.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“8a.   Impriżi tat-trasport għandhom jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b’tali mod li x-xufiera jkunu jistgħu jirritornaw fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur fejn ix-xufier ikun normalment ibbażat u fejn jibda l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa tax-xufier, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-impjegatur, jew ikunu jistgħu jittironaw fil-post ta’ residenza tax-xufiera f’kull perijodu ta’ erba’ ġimgħat konsekuttivi, sabiex iqattgħu mill-inqas perijodu regolari wieħed ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jew perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Madankollu, fejn ix-xufier ikun ħa żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa skont il-paragrafu 6, l-impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufier b’tali mod li x-xufier ikun diġà jista’ jirritorna qabel il-bidu tal-perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens.

L-impriża għandha tiddokumenta kif tissodisfa dak l-obbligu u għandha żżomm id-dokumentazzjoni fil-bini tagħha sabiex tippreżentaha fuq talba tal-awtoritajiet ta’ kontroll.”;

(e)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9a.   Sa mhux aktar tard minn... [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar jekk jistgħux jiġu adottati regoli aktar adatti għax-xufiera involuti fis-servizzi okkażjonali ta’ trasport ta’ passiġġieri, kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri tkun faċilment aċċessibbli għax-xufiera involuti fit-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri bit-triq. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista taż-żoni ta’ parkeġġ kollha li jkunu ġew iċċertifikati, sabiex ix-xufiera jkunu pprovduti b’mod adegwat bi:

prevenzjoni u identifikazzjoni ta’ intrużjoni;

dawl u viżibbiltà;

punt ta’ kuntatt u proċeduri ta’ emerġenza;

faċilitajiet sanitarji li jirrispettaw il-ġeneri;

għażliet ta’ xiri ta’ ikel u xorb;

konnessjonijiet ma’ mezzi ta’ komunikazzjoni;

provvista tal-enerġija.

Il-lista ta’ tali żoni ta’ parkeġġ għandha tkun disponibbli fuq sit elettroniku uffiċjali uniku li jiġi aġġornat regolarment.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23a biex tistabbilixxi standards li jipprovdu aktar dettalji dwar il-livell ta’ servizz u sigurtà fir-rigward taż-żoni elenkati fil-paragrafu 1 u dwar il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ.

3.   Iż-żoni ta’ parkeġġ kollha li jkunu ġew iċċertifikati jistgħu jindikaw li huma ċċertifikati f’konformità mal-istandards u l-proċeduri tal-Unjoni.

F’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-Istati Membri jridu jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ spazju għall-parkeġġ għall-utenti kummerċjali tat-toroq.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet xierqa ta’ mistrieħ għax-xufiera u ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ siguri, kif ukoll dwar l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati f’konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2. Dak ir-rapport jista’ jelenka miżuri biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri.

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348 20.12.2013, p. 1).”;"

(8)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 8, meta xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tiġi ttrasportata fuq bastiment jew fuq ferrovija, u jieħu perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kuljum jew perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, dak il-perijodu jista’ jiġi interrott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li flimkien ma għandhomx jammontaw għal iktar minn siegħa. Matul dak il-mistrieħ regolari ta’ kuljum jew il-perijodu mnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa x-xufier għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu aċċess għal kabina tal-irqad, sodda jew couchette.

Fir-rigward tal-perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa, dik id-deroga għandha tapplika biss għal vjaġġi bil-bastimenti jew bil-ferrovija meta:

(a)

il-vjaġġ ikun skedat għal 8 sigħat jew aktar; u

(b)

ix-xufier ikollu aċċess għal kabina tal-irqad fuq il-bastiment jew fuq il-ferrovija.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu biex jivvjaġġja lejn post sabiex jieħu pussess ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew biex jirritorna minn tali post, fejn il-vettura mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-impjegatur fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, m’għandux jitqies bħala perijodu ta’ mistrieħ jew pawża sakemm ix-xufier mhuwiex fuq vapur jew ferrovija u għandu aċċess għal kabina tal-irqad, sodda jew couchette.’;

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tfassal u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-użu ta’ sistemi tas-sewqan awtonomi fl-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-impatt potenzjali ta’ dawk is-sistemi fuq ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament.”;

(10)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ, il-veloċità tal-konsenja u/jew l-ammont ta’ merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista’ jipperikola s-sikurezza fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-Regolament.”;

(11)

fl-Artikolu 12, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Sakemm b’dan ma tiġix preġudikata s-sikurezza fit-toroq, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ix-xufier jista’ jidderoga wkoll mill-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8(2) billi jaqbeż il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa b’mhux aktar minn siegħa sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew fir-residenza tax-xufier biex jieħu perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Taħt l-istess kundizzjonijiet, ix-xufier jista’ jaqbeż il-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa b’mhux aktar minn sagħtejn, dment li tkun ittieħdet pawża mhux interrotta ta’ 30 minuta immedjatament qabel is-sewqan addizzjonali sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew il-post ta’ residenza tax-xufier biex jittieħed perijodu ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa.

Ix-xufier għandu jindika manwalment fuq il-folja ta’ reġistrazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fuq il-karta stampata mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, ir-raġuni għal tali deroga mhux aktar tard minn meta jasal fid-destinazzjoni jew il-post ta’ waqfien adattat.

Kwalunkwe perijodu ta’ estensjoni għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud f’daqqa ma’ kwalunkwe perijodu ta’ mistrieħ, sa tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa inkwistjoni.”;

(12)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

vetturi li joperaw b’mod esklużiv fuq gżejjer jew reġjuni iżolati mill-bqija tat-territorju nazzjonali li ma jaqbżux l-2 300 kilometru kwadru li ma jkunux magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali permezz ta’ pont, baxx fond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur, u li m’għandhomx fruntieri ma xi Stat Membru ieħor;”;

(b)

jiddaħħlu l-punti li ġejinj:

“(q)

vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi li jkunu qed iġorru makkinarju tal-kostruzzjoni għal impriża tal-kostruzzjoni, sa raġġ ta’ 100 km mill-bażi tal-impriża, dment li s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività ewlenija tax-xufier;

(r)

vetturi użati għat-twassil ta’ konkos imħallat lest.”;

(13)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   F’każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, eċċezzjoni temporanja għal perijodu ta’ mhux aktar minn 30 jum, li għandha tiġi debitament motivata u nnotifikata minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tippubblika din l-informazzjoni fuq sit web pubbliku.”;

(14)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li x-xufiera tal-vetturi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3 huma rregolati b’regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ obbligatorji. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli nazzjonali rilevanti applikabbli għal xufiera bħal dawn.”;

(15)

fl-Artikolu 16(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jinkludi d-dettalji kollha speċifikati fil-paragrafu 2 għal perijodu minimu li jkopri l-jum tal-kontroll u s-56 jum preċedenti; dawk id-dettalji għandhom ikunu aġġornati f’intervalli regolari, li t-tul ta’ żmien tagħhom ma jistax jaqbeż xahar;”;

(16)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi u proporzjonati skont il-gravità tal-ksur, kif indikat fl-Anness III għad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), kif ukoll dissważivi u mhux diskriminatorji. L-ebda ksur ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill** ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u l-miżuri, flimkien mal-metodu u l-kriterji magħżula fil-livell nazzjonali biex tiġi evalwata l-proporzjonalità tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk ir-regoli u l-miżuri, u bi kwalunkwe emenda għalihom. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata f’sit web pubbliku ddedikat bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jkun fih informazzjoni dettaljata dwar dawn il-penali applikabbli fl-Istati Membri.

(*3)  Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġislazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35)”;"

(17)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ xulxin u għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka lil xulxin mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni konsistenti u l-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/22/KE.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

informazzjoni speċifika oħra, inkluża l-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriża, li jista’ jkollha konsegwenzi għall-konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Għall-fini tal-iskambju ta' informazzjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw il-korpi ta’ kollegament intrakomunitarju maħtura skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/22/KE.;

3b.   Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka għandhom jingħataw mingħajr ħlas.”;

(18)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 23a

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8a hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin minn… [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju].

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 8a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*4).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1”;"

(19)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2a.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*5)  Ir- Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(20)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu approċċi komuni

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adotatti f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2a).”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi u r-rekwiżiti b’rabta mal-kostruzzjoni, l-installazzjoni, l-użu, l-ittestjar u l-kontroll ta’ takografi użati fit-trasport bit-triq, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006, ir-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 (*6), (KE) Nru 1072/2009 (*7), (KE) Nru 1073/2009 (*8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2002/15/KE (*9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 92/6/KEE (*10) u 92/106/KEE (*11) u sa fejn jikkonċerna l-istazzjonar tal-ħaddiema fit-trasport bit-triq, id-Direttivi 96/71/KE (*12) u 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13) u d-Direttiva (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*14)  (1).”;

(*6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51)."

(*7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) …/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (OJ L 300, 14.11.2009, p. 72)"

(*8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (OJ L 300, 14.11.2009, p. 88)."

(*9)  Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35)."

(*10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE tal-10 ta’ Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tal-mutur fil-Komunità (ĠU L 57, 2.3.1992, p. 27)."

(*11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar li jiġu stabiliti regoli komuni għal ċerti tipi ta’ ġarr ikkombinat tal-oġġetti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.2.1992, p. 38)."

(*12)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1)."

(*13)  Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11)."

(*14)  Id-Direttiva (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012. (ĠU L …, …, p. …).;"

(1)  Numru tad-Direttiva li tinsab fid-dokument ST 5112/20."

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Sa mhux aktar tard minn tliet snin minn tmiem is-sena tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, il-kategoriji ta’ vetturi li ġejjin li joperaw fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom għandhom ikunu mgħammra b’takografu intelliġenti kif previst fl-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

vetturi mgħammra b’takografu analogu;

(b)

vetturi mgħammra b’takografu diġitali li jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 applikabbli sat-30 ta’ Settembru 2011;

(c)

vetturi mgħammra b’takografu diġitali li jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 2011; u

(d)

vetturi mgħammra b’takografu diġitali li jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 2012.

4a.   Sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, il-vetturi li jkunu mgħammra b’takografu intelliġenti li jikkonforma mal-Anness IC għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (*15) li joperaw fi Stat Membru minbarra dak tar-reġistrazzjoni tagħhom, għandhom ikunu mgħammra b’takografu intelliġenti kif previst fl-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament.

(*15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tas-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139 26.5.2016, p. 1). ”;"

(3)

fl-Artikolu 4(2), wara r-raba’ inċiż jiddaħħal l-inċiż li ġej:

“—

ikollhom biżżejjed kapaċità ta’ memorja biex jaħżnu d-data kollha meħtieġa skont dan ir-Regolament;”;

(4)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Protezzjoni tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament jitwettaq biss għall-fini ta’ verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006, (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009, (KE) Nru 1073/2009, id-Direttivi 2002/15/KE, 92/6/KEE u 92/106/KEE u sa fejn jikkonċerna l-istazzjonar ta’ ħaddiema fit-trasport bit-triq, id-Direttivi 96/71 KE, 2014/67/UE u (UE) 2020/... (2).

2.   L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li d-data personali tkun protetta kontra użi li mhumiex dawk strettament marbuta mal-atti legali tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta’:

(a)

l-użu ta’ sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS) għar-reġistrazzjoni tad-data tal-pożizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8;

(b)

l-użu ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għal finijiet ta’ kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 9, l-użu ta’ takografi b’interfaċċja kif imsemmi fl-Artikolu 10, l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni dwar il-kards tas-sewwieqa kif imsemmi fl-Artikolu 31, u b’mod partikolari kwalunkwe skambju transkonfinali ta’ tali data ma’ pajjiżi terzi; u

(c)

iż-żamma ta’ rekords mill-impriżi tat-trasport kif imsemmi fl-Artikolu 33.

3.   It-takografi diġitali għandhom jiġu ddisinjati b’tali mod li jiżgura l-privatezza. Hija biss id-data neċessarja għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li għandha tiġi pproċessata.

4.   Is-sidien tal-vetturi, tal-impriżi tat-trasport u kwalunkwe entità oħra kkonċernata għandhom jikkonformaw, fejn ikun applikabbli, mad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali.”;

(2)  + Numru tad-Direttiva li tinsab fid-dokument ST 5112/20."

(5)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Biex tkun iffaċilitata l-verifika tal-konformità mal-leġislazzjoni rilevanti, il-pożizzjoni tal-vettura għandha tiġi rreġistrata awtomatikament fil-punti li ġejjin, jew fl-eqreb punt lejn dawk il-postijiet fejn ikun disponibbli s-sinjal tas-satellita:

-il-post fejn jinbeda l-perijodu tax-xogħol ta’ kuljum;

-kull darba li l-vettura taqsam il-fruntiera ta’ Stat Membru;

-kull darba li l-vettura twettaq attivitajiet ta’ tagħbija jew ħatt;

-kull tliet sigħat ta’ ħin akkumulat ta’ sewqan; u

il-post fejn jintemm il-perijodu tax-xogħol ta’ kuljum.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-konformità mill-awtoritajiet ta’ kontroll, it-takografu intelliġenti għandu jirreġistra wkoll jekk il-vettura ntużatx għat-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Għal dawk l-iskopijiet, il-vetturi rreġistrati għall-ewwel darba 36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 għandhom ikollhom immuntat takografu konness ma’ servizz ta’ lokalizzazzjoni ibbażat fuq sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita.

Madankollu, ir-reġistrazzjoni tal-qsim tal-fruntieri u ta’ attivitajiet addizzjonali msemmija fit-tieni u t-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu għandha tapplika għal vetturi li ġew irreġistrati fi Stat Membru għall-ewwel darba aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, mingħajr preġudizzju għall-obbligu li ċerti vetturi jiġu modifikati aktar tard f’konformità mal-Artikolu 3(4).”;

(6)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ kontroll tagħhom, sal-livell xieraq, b’tagħmir ta’ identifikazzjoni bikrija mill-bogħod li huwa meħtieġ biex jippermetti l-komunikazzjoni tad-data msemmija f’dan l-Artikolu, b’kont meħud tar-rekwiżiti u l-istrateġiji tal-infurzar speċifiċi tagħhom. Sa dak il-mument, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jipprovdux lill-awtoritajiet ta’ kontroll tagħhom b’tali tagħmir ta’ identifikazzjoni bikrija mill-bogħod.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi stabbilita bit-takografu biss meta dan ikun mitlub mit-tagħmir tal-awtoritajiet ta’ kontroll. Din għandha tkun protetta sabiex jiġu żgurati l-integrità tad-data u l-awtentikazzjoni tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni u ta’ kontroll. L-aċċess għad-data kkomunikata għandu jkun ristrett għall-awtoritajiet ta’ kontroll awtorizzati li jivverifikaw ksur tal-atti legali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 7(1), u ta’ dan ir-Regolament u għall-workshops sa fejn ikun meħtieġ li jiġi vverifikat il-funzjonament tajjeb tat-takografu.”;

(c)

fil-paragrafu 4, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

sewqan li jaqbeż il-ħin massimu ta’ sewqan.”;

(7)

fl-Artikolu 10 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2. It-takografi ta’ vetturi rreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 11għandhom ikunu mgħammra bl-interfaċċja msemmija fil-paragrafu 1.”;

(8)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex ikun żgurat li t-takografi intelliġenti jikknformaw mal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 8, 9 u 10, ħlief għal kwalunkwe dispożizzjoni li tkun tipprevedi r-rreġistrazzjoni ta’ data addizzjonali minn dak it-takografu.

Sa ... [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni uniformi tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni u ħżin ta’ data relatata ma’ kwalunkwe qsim tal-fruntiera tal-vettura u l-attivitajiet imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1).

Sa... [18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju], il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar ir-rekwiżiti u l-funzjonijiet tad-data, inkluż l-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament, u l-installazzjoni ta’ takografi għall-vetturi msemmija fil-punt (aa) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-prċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(3).”;

(b)

fit-tieni paragrafu l-frażi introduttiva hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet dettaljati msemmija fl-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandhom:”;

(9)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 5, it-tielet u r-raba’ subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Is-siġilli li jkunu tneħħew jew tkissru għandhom jiġu sostitwiti minn fitter jew workshop approvat mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn sebat ijiem wara li jkunu tneħħew jew tkissru. Meta s-siġilli jkunu tneħħew jew tkissru għal finijiet ta’ kontroll, dawn jistgħu jiġu sostitwiti minn uffiċjal ta’ kontroll mgħammar b’apparat għall-issiġillar u marka speċjali unika mingħajr dewmien żejjed.

Meta uffiċjal ta’ kontroll ineħħi siġill, il-kard ta’ kontroll għandha tiddaħħal fit-takografu mill-mument tat-tneħħija tas-siġill sakemm tintemm l-ispezzjoni, inkluż fil-każ tat-tqegħid ta’ siġill ġdid. L-uffiċjal ta’ kontroll għandu joħroġ dikjarazzjoni bil-miktub li fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura;

l-isem tal-uffiċjal;

l-awtorità ta’ kontroll u l-Istat Membru;

in-numru tal-kard ta’ kontroll;

in-numru tas-siġill li jkun tneħħa;

id-data u l-ħin tat-tneħħija tas-siġill;

in-numru tas-siġill il-ġdid, meta l-uffiċjal ta’ kontroll ikun qiegħed siġill ġdid.

Qabel ma jiġu sostitwiti s-siġilli, għandhom jitwettqu kontroll u kalibrazzjoni tat-takografu minn workshop approvat, ħlief fejn siġill ikun tneħħa jew tkisser għal finijiet ta’ kontroll u ġie sostitwit minn uffiċjal ta’ kontroll.”;

(10)

fl-Artikolu 26, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“(7a)   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tista’ teħtieġ li sewwieq jissostitwixxi l-kard tas-sewwieq b’waħda ġdida jekk dan ikun meħtieġ għall-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti.”;

(11)

l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Is-sewwieqa għandhom jużaw folji ta’ reġistrazzjoni jew kards tas-sewwieqa kull jum li fih isuqu, li jibda mill-mument meta jieħdu f’idejhom il-vettura. Il-folja ta’ reġistrazzjoni jew il-kard tas-sewwieq ma għandhiex tiġi rtirata qabel tmiem il-perijodu ta’ xogħol ta’ kuljum sakemm l-irtirar tagħha ma jiġix awtorizzat mod ieħor jew ikun meħtieġ sabiex jitniżżel is-simbolu tal-pajjiż wara l-qsim ta’ fruntiera. Ebda folja ta’ reġistrazzjoni jew kard tas-sewwieq ma tista’ tintuża biex tkopri perijodu itwal minn dak li għalih tkun maħsuba.”;

(b)

fil-paragrafu 5, il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt iv huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

taħt is-sinjal Image 1 :pawżi, mistrieħ, liv annwali jew liv minħabba mard,”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

(v)

taħt is-sinjal għal ‘bastiment/ferrovija’: Flimkien mas-sinjal Image 2 : il-perijodu ta’ mistrieħ li jsir fuq bastiment jew ferrovija kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.;

(c)

fil-paragrafu 6, jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

is-simboli tal-pajjiżi li fihom beda u ntemm il-perijodu tax-xogħol ta’ kuljum. Is-sewwieq għandu jniżżel ukoll is-simbolu tal-pajjiż li s-sewwieq jidħol fih wara li jaqsam fruntiera ta’ Stat Membru fil-bidu tal-ewwel waqfa tas-sewwieq f’dak l-Istat Membru. Dik l-ewwel waqfa għandha ssir fl-eqreb post ta’ waqfien possibbli fil-fruntiera jew wara li tinqasam il-fruntiera. Fejn il-qsim tal-fruntiera ta’ Stat Membru jseħħ fuq bastiment jew ferrovija, is-sewwieq għandu jniżżel is-simbolu tal-pajjiż fil-port jew l-istazzjon tal-wasla.”;

(d)

il-paragrafu 7huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Is-sewwieq għandu jniżżel fit-takografu diġitali s-simboli tal-pajjiżi li fihom beda u temm il-perijodu tax-xogħol tiegħu ta’ kuljum.

Minn ... [18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva li tinsab fid-dokument ST 5112/20] is-sewwieq għandu jniżżel ukoll is-simbolu tal-pajjiż li jidħol fih is-sewwieq wara qsim ta’ fruntiera ta’ Stat Membru fil-bidu tal-ewwel waqfa tas-sewwieq f’dak l-Istat Membru. L-ewwel waqfa għandha ssir fl-eqreb post ta’ waqfien possibbli fil-fruntiera jew wara li tinqasam il-fruntiera. Meta l-qsim tal-fruntiera ta’ Stat Membru jseħħ fuq bastiment jew ferrovija, is-sewwieq għandu jniżżel is-simbolu tal-pajjiż fil-port jew l-istazzjon tal-wasla.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li s-sewwieqa ta’ vetturi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport fit-territorju tagħhom iżidu speċifikazzjonijiet ġeografiċi aktar dettaljati mas-simbolu tal-pajjiż, dment li dawk l-Istati Membri jkunu nnotifikaw dawk l-ispeċifikazzjonijiet ġeografiċi dettaljati lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ April 1998.

Ma għandux ikun neċessarju li s-sewwieqa jdaħħlu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu jekk it-takografu jirreġistra awtomatikament id-data tal-pożizzjoni skont l-Artikolu 8.”;

(12)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-folji ta’ reġistrazzjoni għall-jum attwali u s-56 jum preċedenti,”;

(ii)

il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

kwalunkwe rekord manwali u kopja stampata li jkunu saru matul il-jum attwali u s-56 jum preċedenti.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

kwalunkwe rekord manwali u kopja stampata li jkunu saru matul il-jum attwali u s-56 jum preċedenti,.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt (15) tal–Artikolu 1 u l-punt (12) tal-Artikolu 2 għandhom japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 45.

(2)  ĠU C 176, 23.5.2018, p. 57.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-7 ta’ April 2020. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ ... (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u taL-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1)

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-KunsilL tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għasservizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).


6.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/17


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill — Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżi minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonijiet permezz ta’ takografi

(2020/C 151/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-31 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi.

2.

Din il-proposta ġiet ippreżentata bħala parti mill-Pakkett dwar il-Mobbiltà I, u l-proċedura leġislattiva ġiet organizzata flimkien ma’ żewġ proposti leġislattivi oħra, waħda dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, u waħda dwar dispożizzjonijiet ta' infurzar għal-leġislazzjoni soċjali u l-istazzjonar ta' xufiera.

3.

Il-Kunsill (Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija) qabel dwar approċċ ġenerali fit-3 ta’ Diċembru 2018. (1)

4.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-4 ta' April 2019.

5.

Bejn Ottubru u Diċembru 2019, saru negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar il-proposta. Fil-11 ta’ Diċembru 2019, in-negozjaturi qablu dwar test ta’ kompromess, li sussegwentement ġie approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fl-20 ta’ Diċembru 2019. (2)

6.

Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) ikkonferma l-qbil politiku fil-21 ta’ Jannar 2020, u l-Kunsill ta l-konferma tiegħu fl-20 ta’ Frar 2020 (3).

7.

Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill qies l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Jannar 2018 u tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Frar 2018.

8.

Filwaqt li qies dan il-qbil u wara reviżjoni legali u lingwistika, il-Kunsill fis-7 ta' April 2020, permezz tal-proċedura bil-miktub, adotta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stipulata fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

II.   OBJETTIV

9.

L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ fit-trasport bit-triq u l-kisba ta' dawn id-dispożizzjonijiet permezz tal-użu tat-takografi sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, tittejjeb is-sikurezza tat-toroq u jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin għax-xufiera fl-Unjoni Ewropea.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A)    Ġenerali

10.

Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill wettqu negozjati bil-għan li jikkonkludu ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill jirrifletti bis-sħiħ il-kompromess li ntlaħaq bejn iż-żewġ koleġislaturi.

B)    Kwistjonijiet ewlenin ta' politika

11.

Il-kompromess rifless fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fih l-elementi ewlenin li ġejjin:

a)   Kopertura ta' vetturi kummerċjali ħfief

12.

Fil-proposta inizjali tagħha, il-Kummissjoni ma inkludietx vetturi kummerċjali ħfief fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, filwaqt li l-Parlament kien favur dan. It-test tal-Kunsill jinkludi dawk il-vetturi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament meta l-massa permissibbli massima tagħhom, inkluż kwalunkwe trejler, jew semitrejler, taqbeż 2,5 tunnellati u jkunu jintużaw għat-trasport internazzjonali għall-kiri jew il-kumpens (Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 3 (ha) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006). Bħala konsegwenza, dawn il-vetturi ser jaqgħu wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, u b'hekk ser ikollhom jiġu mgħammra b'takografi intelliġenti.

13.

Perijodu tranżitorju (l-1 ta' Lulju 2026) ser jintuża mill-Kummissjoni biex jiġu adottati atti ta' implimentazzjoni li jagħtu dettalji dwar id-data, il-funzjonijiet u l-installazzjoni ta' takografi f'vetturi kummerċjali ħfief fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendatorju, sabiex il-produzzjoni ta' tagħmir u l-installazzjoni tat-tagħmir fil-vetturi jkunu jistgħu jiġu organizzati fil-bqija ta' dak il-perijodu.

14.

F'dan il-kuntest, ġew aċċettati l-emendi 353/rev, 368, 373 u 375, wara abbozzar mill-ġdid, fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

a)   Organizzazzjoni tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa

15.

Sabiex jinstab kompromess dwar id-dispożizzjonijiet għall-perijodi ta' mistrieħ ta’ kull ġimgħa (l-Artikolu 8(6) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), il-Kunsill aċċetta li tinżamm ir-regola li xufier irid jieħu żewġ perijodi ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jew perijodu wieħed ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa u perijodu wieħed imnaqqas ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa ta’ mill-inqas 24 siegħa fi kwalunkwe ġimagħtejn konsekuttivi.

16.

Madankollu, il-Kunsill saħaq fil-kompromess, skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, fuq ċerta flessibbiltà għax-xufiera fit-trasport ta' merkanzija fuq distanzi kbar. B’mod partikolari, xufier involut fit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija barra mill-Istat Membru ta’ stabbiliment jista' jieħu żewġ perijodi mnaqqsa konsekuttivi ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa sakemm ix-xufier fi kwalunkwe erba’ ġimgħat konsekuttivi jieħu mill-inqas żewġ perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. F'dan il-każ, wara li jkunu ttieħdu żewġ perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta' kull ġimgħa konsekuttivament, il-perijodu sussegwenti ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jrid jiġi preċedut minn perijodu ta’ mistrieħ meħud bħala kumpens għaż-żewġ tnaqqis fil-perijodi ta’ mistrieħ. Matul il-perijodu ta' mistrieħ estiż, ix-xufier igawdi mir-"ritorn lejn id-dar" (ara l-punt 19 hawn taħt). F'dan il-kuntest, l-emenda 379 inżammet bħala bażi ta' referenza fil-pożizzjoni tal-Kunsill; l-emenda 381 ma nżammitx.

17.

Sabiex tiġi żgurata l-verifika tal-mistrieħ mal-ġenb tat-triq fuq skeda ta' erba' ġimgħat, id-dispożizzjonijiet dwar l-evidenza ta' sostenn abbord il-vettura ġew estiżi minn 28 għal 56 jum (l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014), ara l-emendi 365, 420-422.

a)   Projbizzjoni fuq l-irqad fil-kabina

18.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tappoġġa l-proposta inizjali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-projbizzjoni fuq il-mistrieħ li jittieħed f'vettura matul perijodi regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u kwalunkwe mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' aktar minn 45 siegħa li jittieħed bħala kumpens għal mistrieħ imnaqqas ta' kull ġimgħa preċedenti (l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006). Il-Kunsill aċċetta partijiet mill-emenda 382 tal-Parlament li jipprovdu dettalji dwar il-kondizzjonijiet neċessarji għall-akkomodazzjoni. F'dan il-kuntest, hu speċifikat li kull spiża għall-akkomodazzjoni barra l-vettura għandha tiġi koperta mill-impjegatur, li hi wkoll il-pożizzjoni tal-Parlament fl-emenda 383 tiegħu.

a)   Ritorn regolari tax-xufier

19.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill, li tiżviluppa l-proposta inizjali tal-Kummissjoni li impriża tat-trasport trid torganizza x-xogħol tax-xufiera sabiex ix-xufiera jkunu jistgħu jmorru lura d-dar regolarment sabiex jieħdu perijodu twil ta' mistrieħ (l-Artikolu 8(8a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), issaħħaħ dan ir-rekwiżit fir-rigward tal-provi u l-monitoraġġ, u tiffavorixxi aktar ċarezza dwar il-post li fih jirritorna x-xufier. Fil-fatt, it-test tal-Kunsill jitlob li xufier jirritorna lejn iċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur fejn ix-xufier ikun ibbażat normalment u fejn jibda l-mistrieħ ta' kull ġimgħa tax-xufier, fl-Istat Membru ta' stabbiliment, jew lejn il-post ta' residenza tax-xufier, bil-qbil li hu f'idejn ix-xufier li jagħżel il-post fejn iqatta' l-perijodi ta' mistrieħ, filwaqt li l-impjegatur hu responsabbli milli jiggarantixxi l-abbiltà regolari li x-xufier jirritorna. Intlaħaq qbil dwar il-frekwenza ta' referenza kull erba' ġimgħat, skont l-emenda 385. Għal raġunijiet ta' sempliċità u pożizzjonijiet ta' negozjar mhux ugwali bejn ix-xufiera u l-impjegaturi tagħhom, il-Kunsill ma aċċettax elementi ta' flessibbiltà addizzjonali appoġġati mill-Parlament fl-emendi 355, 377, 385.

a)   Standards minimi għall-infrastruttura tal-parkeġġ

20.

Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar iż-żoni ta' parkeġġ, matul id-diskussjonijiet mal-Parlament u l-Kummissjoni, il-Kunsill qabel ma' rekwiżit li l-Kummissjoni tippubblika u taġġorna regolament fuq sit elettroniku uffiċjali lista taż-żoni ta' parkeġġ ċertifikati kollha b'infrastruttura adegwata għax-xufiera involuti fil-ġarr ta' merkanzija u passiġġieri bit-triq (l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 561/2006). It-test tal-Kunsill jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi standards ta' servizz u sigurtà, kif ukoll proċedura ta' ċertifikazzjoni għal dawn iż-żoni ta' parkeġġ permezz ta' atti delegati. Bħala riżultat ta' dan il-kompromess, li kien iħares l-interess ewlieni tal-Parlament fl-emenda 387, it-talbiet għal dispożizzjonijiet aktar dettaljati fir-Regolament (l-emenda 400) ma ġewx inklużi fit-test tal-Kunsill.

a)   Interruzzjoni tal-mistrieħ ta' kull ġimgħa fuq vapur jew ferrovija

21.

It-test tal-Kunsill iżomm l-emenda tal-proposta tal-Kummissjoni għar-regoli dwar xufier li jakkumpanja vettura li tiġi trasportata bil-vapur jew il-ferrovija waqt il-mistrieħ. Il-perijodu ta' mistrieħ imnaqqas ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa tax-xufier jista' jiġi interrott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li ma jaqbżux siegħa b'kollox (l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006). Fir-rigward ta' perijodi ta' mistrieħ regolari ta' kull ġimgħa, it-test tal-Kunsill jestendi d-deroga għal vjaġġi bil-bastimenti jew il-ferrovija skedati għal tmien sigħat jew aktar, sakemm ix-xufier ikollu aċċess għal kabina tal-irqad. Bħala tali, l-emendi 364, 388 u 389, ġew aċċettati, parzjalment abbozzati mill-ġdid, fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

a)   Ħin tas-sewqan f'ċirkostanzi eċċezzjonali

22.

It-test tal-Kunsill jespandi fuq il-proposta tal-Kummissjoni dwar ċirkostanzi eċċezzjonali, sabiex ix-xufiera, b'kundizzjonijiet stretti u b'salvagwardji, ikunu jistgħu jaqbżu l-ħin tas-sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa b'mhux aktar minn siegħa, jew b'mhux aktar minn sagħtejn dment li tkun ittieħdet pawża mhux interrotta ta' 30 minuta immedjatament qabel is-sewqan addizzjonali, sabiex jaslu fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew il-post ta' residenza tax-xufier. Din l-eċċezzjoni tista' tintuża biss qabel ma jibdew perijodi ta' mistrieħ itwal, u hu meħtieġ kumpens sħiħ (l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006). Għalhekk, l-emenda 391 ġiet aċċettata, parzjalment abbozzata mill-ġdid, fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

23.

Barra minn hekk, it-test tal-Kunsill jipprevedi li l-Kummissjoni tippubblika minnufih fuq sit web pubbliku informazzjoni marbuta ma' każijiet urġenti li fihom Stati Membri jistgħu jagħtu, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, eċċezzjonijiet temporanji mir-regoli dwar il-ħin ta' sewqan u mistrieħ (l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006). Għalhekk, l-emenda 395 ġiet aċċettata, parzjalment abbozzata mill-ġdid, fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

a)   Introduzzjoni ta' takografi intelliġenti (verżjoni 2) fil-flotot

24.

Fir-rigward tad-data reġistrata mit-takografu intelliġenti, it-test tal-Kunsill iżid li t-takografi jridu jkunu kapaċi jirreġistraw il-pożizzjoni tal-vettura kull darba li taqsam il-fruntiera ta' Stat Membru, element diġà previst fil-proposta tal-Kummissjoni, u kull darba li l-vettura twettaq attivitajiet ta' tagħbija jew ħatt, kif ukoll jirreġistraw jekk is-servizz tat-trasport ikunx ta' passiġġieri jew ta' merkanzija (l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014). B'hekk, essenzjalment l-emendi 409 sa 411 inżammu fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

25.

Fir-rigward tal-introduzzjoni ta' takografi intelliġenti, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill kienu favur li l-introduzzjoni ta' takografi intelliġenti fil-flotta ta' vetturi tinġieb 'il quddiem konsiderevolment (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014). Il-kompromess jitlob il-modifika ewlenija tat-tagħmir tal-vetturi (jiġifieri vetturi li ġew mgħammra qabel b'takografu analogu jew diġitali) mhux aktar tard minn tliet snin wara tmiem is-sena tad-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjonijiet dettaljati għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' takografi intelliġenti, u mhux aktar tard minn erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dawk id-dispożizzjonijiet dettaljati meta l-vettura tkun diġà mgħammra b'takografu intelliġenti (verżjoni 1). Il-Kummissjoni ser ikollha 12-il xahar biex fihom tadotta l-ispeċifikazzjonijiet għat-tieni ġenerazzjoni ta' takografi intelliġenti (l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014); vetturi rreġistrati għall-ewwel darba 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet irid ikollhom diġà l-verżjoni l-ġdida abbord (l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014). Bħala tali, l-emendi 368, 369, 403-406, 412, 415 ġew aċċettati, parzjalment abbozzati mill-ġdid, fil-pożizzjoni tal-Kunsill, filwaqt li l-emenda 402 ma ġietx aċċettata.

26.

B'rabta ma' din il-bidla, il-Kunsill qabel dwar ir-rekwiżit li l-Istati Membri jgħammru l-awtoritajiet ta' kontroll tagħhom kif meħtieġ b'tagħmir ta' identifikazzjoni bikrija mill-bogħod fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dettaljati kif imsemmi qabel (l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014); l-emenda 413/rev b'hekk inżammet parzjalment.

27.

F'dan il-kuntest ukoll, it-test tal-Kunsill iżid preċiżjoni mal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni manwali ta' qsim tal-fruntieri sakemm dan jiġi żgurat awtomatikament mit-takografi intelliġenti (l-Artikolu 34 (1), (6) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014), filwaqt li jqis l-emenda 417.

i)   Elementi oħrajn tal-pożizzjoni tal-Kunsill

28.

L-elementi l-oħrajn li ġejjin, li nżiedu mill-Kunsill mal-proposta tal-Kummissjoni, daħlu fit-test finali tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

a)

Definizzjoni ddettaljata aktar ta' "trasport mhux kummerċjali" (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006);

b)

Eżenzjoni fakultattiva għal vetturi użati għat-twassil ta' konkos imħallat lest (l-Artikolu 13(1)(r) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006);

c)

Proċedura ta' eżami għal ċerti atti ta' implimentazzjoni (l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006);

d)

Ir-rekwiżit li data takografika dwar meta jinqabeż il-ħin massimu ta' sewqan għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet ta' kontroll għall-identifikazzjoni bikrija mill-bogħod ta' manipulazzjoni jew użu ħażin possibbli (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014);

e)

Ir-rekwiżit li l-ġenerazzjoni li jmiss ta' takografi tippermetti l-użu ta' data b'mod operazzjonali minn apparat estern (l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014);

f)

Proċedura biex jerġgħu jiġu ssiġillati siġilli ta' takografi mneħħija jew imkissra li kienu nfetħu minn uffiċjali ta' kontroll (l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014);

g)

Awtorizzazzjoni għall-awtorità kompetenti li titlob sostituzzjoni tal-kard tax-xufier, jekk meħtieġ, għall-konformità ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda (l-Artikolu 26(7a) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014).

29.

Il-Kunsill aċċetta, għalkollox jew fil-prinċipju, l-emendi l-oħrajn li ġejjin mill-Parlament għall-proposta tal-Kummissjoni:

a)

Estensjoni tal-eżenzjoni għal nies tas-sengħa li jsuqu (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), l-emenda 374;

b)

Il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ regoli ta’ mistrieħ speċjali possibbli għax-xufiera involuti fis-servizzi okkażjonali ta’ trasport ta' passiġġieri (l-Artikolu 8(9a) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), l-emendi 354, 372, 380;

c)

Iż-żieda ta’ premji għall-veloċità tal-konsenja mal-katalogu ta’ inċentivi dannużi (l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), l-emenda 390;

d)

Eċċezzjoni fakultattiva għall-vetturi ta’ kostruzzjoni li joperaw f’raġġ ta’ 100 km (l-Artikolu 13(1)(q) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), l-emenda 394;

e)

Rapport speċjali tal-Kummissjoni dwar is-sistemi tas-sewqan awtonomi u l-impatt tagħhom fuq ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ (l-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 561/2006), l-emenda 397;

f)

Tiżdied kjarifika li t-takografi u l-kards tat-takografu għandu jkollhom biżżejjed kapaċità ta’ memorja biex jaħżnu d-data meħtieġa (l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 165/2014), l-emenda 406;

g)

Taħriġ ta’ aġġornament għax-xufiera (li l-ispejjeż tagħhom għandhom jitħallsu mill-impjegatur) u għall-awtoritajiet ta’ kontroll (l-emendi 418 u 419, il-premessi 30 u 31);

h)

Dokumentazzjoni aktar kompluta tal-mistrieħ, il-pawżi, u l-leave, kif ukoll il-mistrieħ fuq bastiment jew ferrovija (l-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014), l-emenda 416.

IV.   KONKLUŻJONI

30.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-kompromess li ntlaħaq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, iffaċilitat mill-Kummissjoni. Dan il-kompromess hu kkonfermat mill-ittra tal-President tal-Kumitat TRAN tal-Parlament Ewropew lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (23 ta' Jannar 2020). F'din l-ittra, il-President tindika li ser tirrakkomanda li l-membri tal-Kumitat TRAN, u sussegwentement il-plenarja, jaċċettaw il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi fit-tieni qari tal-Parlament, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti taż-żewġ istituzzjonijiet.

31.

Il-Kunsill għalhekk jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta riżultat ibbilanċjat u li, ladarba adottati, ir-Regolamenti emendati ser itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u jikkontribwixxu għas-sikurezza fit-toroq u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq permezz ta’ armonizzazzjoni, kjarifika tar-regoli u kontroll aħjar.

(1)  id-dokument ST 15084/18.

(2)  id-dokument ST 15083/19.

(3)  id-dokumenti ST 5424/20 + ADD 1-4.