ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 140

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
29 ta' April 2020


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

il–Kunsill

2020/C 140/01

Avviż għall-attenzjoni tal-persuna soġġetta għal miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK, kif implimentata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/584, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/582 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

1

2020/C 140/02

Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

3

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 140/03

Rata tal-kambju tal-euro — It-28 ta' April 2020

4

 

Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

2020/C 140/04

Deċiżjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni BERS/2011/1 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS/2020/3)

5


MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

il–Kunsill

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/1


Avviż għall-attenzjoni tal-persuna soġġetta għal miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK, kif implimentata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/584, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/582 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

(2020/C 140/01)

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuna li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK (1), kif implimentata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/584 (2), u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 (3), kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/582 (4) dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Fl-20 ta’ April 2020, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti żied persuna fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi f’konformità mal-paragrafi 20 u 21 (a) tar-Riżoluzzjoni 2399 (2018).

Il-persuna kkonċernata tista’ fi kwalunkwe ħin tressaq talba lill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 2127 (2013), flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ ġustifikazzjoni, li d-deċiżjonijiet li jinkluduha fil-lista tan-Nazzjonijiet Uniti jiġu kkunsidrati mill-ġdid. Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Focal Point for De-listing

Security Council Subsidiary Organs Branch

Room DC2 0853B

United Nations

New York, N.Y. 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel. +1 9173679448

Fax +1 2129631300

Posta elettronika: delisting@un.org

Għal aktar informazzjoni, ara: https://www.un.org/securitycouncil/sanctions/delisting/delisting-requests

B’segwitu għad-deċiżjoni tan-NU, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li l-persuna indikata min-NU għandha tiġi inkluża fil-listi ta’ persuni u entitajiet li huma soġġetti għal miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2013/798/PESK u r-Regolament (UE) Nru 224/2014. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuna kkonċernata jinsabu fl-entrata korrispondenti tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuna kkonċernata għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti web fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 224/2014, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw il-fondi ffriżati biex jaqdu l-ħtiġijiet fundamentali jew isiru ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 7 tar-Regolament).

Il-persuna kkonċernata tista’ tressaq talba lill-Kunsill, flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ ġustifikazzjoni, li d-deċiżjoni li tinkludiha fil-listi msemmijin hawn fuq tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

General Secretariat

RELEX.1.C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuna kkonċernata anke għall-possibbiltà li tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 263, ir-raba’ u s-sitt paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

(2)  ĠU L 137, 29.4.2020, p. 5.

(3)  ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.

(4)  ĠU L 137, 29.4.2020, p. 1.


29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/3


Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

(2020/C 140/02)

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni li ġejja skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Il-bażi ġuridika għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar huma d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK (2), kif implimentata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/584 (3), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 (4), kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/582 (5).

Il-kontrollur ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar hu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tar-RELEX (Affarijiet Barranin, Tkabbir, Protezzjoni Ċivili) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartiment fdat bl-operazzjoni ta’ pproċessar hu RELEX.1.C li wieħed jista’ jikkuntattja f’dan l-indirizz:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

General Secretariat

RELEX.1.C

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: sanctions@consilium.europa.eu

L-għan tal-operazzjoni ta’ proċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/798/PESK, kif implimentata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2020/584 u r-Regolament (UE) Nru 224/2014, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/582.

Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar kif stipulat fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK u r-Regolament (UE) 224/2014.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tajba tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata.

Id-data personali miġbura tista’ titqassam skont kif ikun meħtieġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni.

Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data bħad-dritt għal aċċess, kif ukoll id-drittijiet għal rettifika jew għal oġġezzjoni ser jitwieġeb f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

Id-data personali ser tinżamm għal ħames snin minn meta s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta’ persuni soġġetti għall-miżuri restrittivi jew il-validità tal-miżura tkun skadiet, jew għad-durata tal-proċedimenti tal-qorti f’każ li dawn ikunu nbdew.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju, amministrattiv jew mhux ġudizzjarju, is-suġġetti tad-data jistgħu jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (edps@edps.europa.eu).


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 352 24.12.2013, p. 51.

(3)  ĠU L 137, 29.4.2020, p. 5.

(4)  ĠU L 70 11.3.2014, p. 1.

(5)  ĠU L 137, 29.4.2020, p. 1.


Il-Kummissjoni Ewropea

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-28 ta' April 2020

(2020/C 140/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0877

JPY

Yen Ġappuniż

116,06

DKK

Krona Daniża

7,4570

GBP

Lira Sterlina

0,87078

SEK

Krona Żvediża

10,7480

CHF

Frank Żvizzeru

1,0586

ISK

Krona Iżlandiża

159,50

NOK

Krona Norveġiża

11,2783

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,227

HUF

Forint Ungeriż

355,94

PLN

Zloty Pollakk

4,5468

RON

Leu Rumen

4,8445

TRY

Lira Turka

7,6115

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6734

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5179

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,4301

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7956

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5407

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 325,80

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

20,2913

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6977

HRK

Kuna Kroata

7,5600

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 714,69

MYR

Ringgit Malażjan

4,7451

PHP

Peso Filippin

55,032

RUB

Rouble Russu

80,6862

THB

Baht Tajlandiż

35,280

BRL

Real Brażiljan

6,1004

MXN

Peso Messikan

26,5269

INR

Rupi Indjan

82,5220


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/5


DEĊIŻJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-20 ta’ Marzu 2020

li temenda d-Deċiżjoni BERS/2011/1 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS/2020/3)

(2020/C 140/04)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2),

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Diċembru 2019 ġie adottat ir-Regolament (UE) 2019/2176 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li emenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Jenħtieġ li ċerti emendi introdotti mir-Regolament (UE) 2019/2176 ikunu riflessi fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) billi jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relatati mas-sħubija tal-Bord Ġenerali tal-BERS (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Bord Ġenerali”) u permezz tal-aġġustamenti korrispondenti fid-dispożizzjonijiet relatati mal-Kumitat ta’ Tmexxija, mal-Kumitat Tekniku Konsultattiv tal-BERS (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat Tekniku Konsultattiv”), u mal-President u mal-Viċi-President tal-BERS.

(2)

S’issa, il-Viċi-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv kien jintgħażel minn fost il-membri tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv. Jenħtieġ li l-Viċi-President jintgħażel minn fost il-membri tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-uffiċjali ta’ livell għoli tal-awtoritajiet rappreżentati fil-Bord Ġenerali sabiex tingħata flessibbiltà akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-Viċi-President.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4), li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura għall-BERS, tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BERS/2011/1 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 3

Kompożizzjoni

1.   Meta Stat Membru, li fih il-bank ċentrali nazzjonali ma jkunx awtorità nnominata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), ikun innomina rappreżentant ta’ livell għoli ta’ awtorità nnominata bħala membru tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, dik l-awtorità nnominata għandha tinforma lis-Segretarjat tal-BERS dwar l-isem ta’ dak ir-rappreżentant ta’ livell għoli.

2.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinforma lis-Segretarjat tal-BERS dwar l-isem tar-rappreżentant tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

3.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bit-tmexxija tal-politika makroprudenzjali, jew il-banek ċentrali nazzjonali, skont kif ikun applikabbli f’konformità mal-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, għandhom jinformaw lis-Segretarjat tal-BERS dwar l-ismijiet tar-rappreżentanti ta’ livell għoli rispettivi tagħhom jew, fejn applikabbli f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, ir-rappreżentant komuni nnominat bħala membru tal-Bord Ġenerali mingħajr drittijiet tal-vot.

4.   Is-Segretarjat tal-BERS għandu jżomm, jaġġorna u jippubblika lista tal-membri tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot u ta’ dawk mingħajr drittijiet tal-vot. Din il-lista għandha ssemmi l-membri individwali u l-awtoritajiet, il-banek ċentrali nazzjonali, jew istituzzjonijiet jew kumitati oħrajn irrappreżentati minn dawk il-membri. Kwalunkwe tibdil f’din il-lista għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien lis-Segretarjat tal-BERS.”;

2.

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Minbarra l-membri bi drittijiet tal-vot, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, il-President tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, wieħed biss minn fost ir-rappreżentanti ta’ livell għoli għal kull Stat Membru ta’ awtorità superviżorja nazzjonali, ta’ awtorità nazzjonali inkarigata bit-tmexxija tal-politika makroprudenzjali, jew tal-bank ċentrali nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, għandu jpoġġi madwar il-mejda ewlenija matul it-taħditiet dwar punti li għalihom dak l-individwu jkun ġie nnominat bħala r-rappreżentant nazzjonali ta’ livell għoli; ir-rappreżentanti nazzjonali l-oħrajn ta’ livell għoli għandhom jattendu bħala osservaturi. Fl-assenza ta’ rappreżentant komuni kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, ir-rappreżentanti nazzjonali rispettivi ta’ livell għoli għandhom jikkomunikaw bejniethom u jinformaw lis-Segretarjat tal-BERS, tal-anqas ħamest ijiem kalendarji qabel il-laqgħa tal-Bord Ġenerali, dwar il-punti fl-aġenda tal-laqgħa tal-Bord Ġenerali li jkunu se jieħdu sehem fiha. Meta ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar l-implimentazzjoni tar-regola dwar ir-rotazzjoni tar-rappreżentanti rispettivi ta’ livell għoli msemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, il-membru nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot għandu jiddeċiedi, qabel kull laqgħa, liema rappreżentant nazzjonali ta’ livell għoli għandu jpoġġi madwar il-mejda ewlenija matul it-taħditiet dwar il-punti rispettivi u għandu jinforma lir-rappreżentanti dwar dan.”;

3.

L-Artikolu 5 huwa emendat skont kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.

Il-President tal-BERS għandu jfassal aġenda preliminari għal laqgħa ordinarja tal-Bord Ġenerali u jippreżentaha lill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-konsultazzjoni tal-anqas tmint ijiem kalendarji qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija flimkien mad-dokumentazzjoni relatata. Wara dan, il-President għandu jippreżenta l-aġenda provviżorja lill-membri tal-Bord Ġenerali flimkien mad-dokumentazzjoni relatata tal-anqas għaxart ijiem kalendarji qabel il-laqgħa tal-Bord Ġenerali. Meta tkun qed tiġi ppjanata l-ħidma u jkunu qed jitħejjew l-aġendi tal-laqgħat tal-Bord Ġenerali, għandhom jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jenħtieġ li, f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, il-parteċipazzjoni minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 4(6) tikkonċerna biss punti ta’ rilevanza għall-Unjoni, eskluż kwalunkwe każ li fih jista’ jkun li tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew tal-Istati Membri individwali;

(b)

membri li jkunu qed jieħdu sehem skont l-Artikolu 4(7) jistgħu jintalbu ma jiħdux sehem fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali, jew f’partijiet minn dawk il-laqgħat li jkunu relatati ma’ punti speċifiċi fl-aġenda, meta jista’ jkun li tiġi diskussa s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ Stati Membri individwali tal-Unjoni.”;

b)

il-paragrafu 2a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2a.

Wara li jirċievi l-aġenda provviżorja u fi żmien tliet ijiem tax-xogħol tal-BĊE, kull membru jista’ jippreżenta talba lis-Segretarjat tal-BERS għal punt fl-aġenda li għandu jiġi diskuss mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet minn pajjiżi terzi jew ta’ membri li jkunu qed jieħdu sehem skont l-Artikolu 4(7), meta l-membru jqis li ma jkunux issodisfati r-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) u/jew (b) tal-paragrafu 1, skont kif ikun applikabbli. L-identità tal-membru li jagħmel it-talba għandha tibqa’ anonima.”;

c)

il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.

Il-President tal-BERS għandu jippreżenta l-abbozz tal-minuti lill-membri tal-Bord Ġenerali għall-kummenti u għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara l-laqgħa jew, jekk dan ma jkunx possibbli, qabel il-laqgħa li jkun imiss. Meta jiġi approvat, dan għandu jiġi ffirmat mill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi u membri li jkunu qed jieħdu sehem skont l-Artikolu 4(7) jistgħu jirċievu l-abbozz tal-minuti u/jew jikkummentaw dwar l-abbozz tal-minuti li jkopri biss dawk il-punti fl-aġenda li jkunu ħadu sehem fihom.”;

d)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.

Il-proċeduri tal-Bord Ġenerali għandhom ikunu kunfidenzjali. Il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jagħti rendikont tad-deliberazzjonijiet tiegħu pubblikament, soġġett għar-rekwiżiti applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u b’mod li ma jkunx jippermetti li jiġu identifikati l-membri individwali tal-Bord Ġenerali jew tal-awtoritajiet, tal-banek ċentrali nazzjonali, tal-istituzzjonijiet jew tal-kumitati individwali. Il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi wkoll li jorganizza konferenzi stampa wara l-laqgħat tiegħu.”;

4.

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   F’konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, għandu jkun meħtieġ kworum ta’ żewġ terzi tal-membri bi drittijiet tal-vot sabiex tittieħed kwalunkwe votazzjoni mill-Bord Ġenerali. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President tal-BERS jista` jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet bi kworum ta’ terz, f’liema każ għandhom ikunu japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2).”;

5.

L-Artikolu 7 huwa emendat skont kif ġej:

a)

il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-korp elettorali għandu jkun magħmul mill-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot ad personam;”;

b)

il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-President tal-BERS għandu jistieden lill-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot għal laqgħa tal-elezzjoni b’avviż mogħti tal-anqas 15-il jum kalendarju minn qabel. Il-President għandu jitlob ukoll espressjonijiet ta’ interess mingħand il-kandidati eliġibbli. Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS għandu jaġixxi bħala s-Segretarju tal-korp elettorali.”;

6.

L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Sħubija

1.   Il-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot għandhom ikunu kandidati eliġibbli għall-elezzjoni tal-erba’ membri nazzjonali tal-Kumitat ta’ Tmexxija msemmija fl-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.

2.   Filwaqt li jikkunsidra n-numru ta’ Stati Membri li jkunu Stati Membri parteċipanti kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u dawk li ma jkunux fi żmien l-elezzjoni, il-korp elettorali magħmul mill-membri nazzjonali tal-Bord Ġenerali bi drittijiet tal-vot għandu jiddetermina skont dan in-numru ta’ membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija minn fost l-Istati Membri parteċipanti u l-Istati Membri mhux parteċipanti msemmija fl-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Għal dan l-għan, il-korp elettorali għandu jaġġusta ’l fuq jew ’l isfel għall-eqreb numru sħiħ.

3.   Filwaqt li jikkunsidra d-deċiżjoni tal-korp elettorali msemmija aktar ’il fuq, il-President tal-BERS għandu jitlob espressjonijiet ta’ interess mingħand il-kandidati eliġibbli sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel l-elezzjoni. Il-President tal-BERS għandu jippreżenta l-lista ta’ kandidati lill-korp elettorali fuq il-bażi tal-espressjonijiet ta’ interess riċevuti qabel il-ftuħ tal-laqgħa msejħa għall-elezzjoni.

4.   Il-President għandu jorganizza votazzjoni sigrieta waħda jew aktar, li r-riżultat tagħha/tagħhom għandu jkun li l-kandidati eliġibbli li jirċievu l-ogħla numru ta’ voti jiġu eletti skont il-proporzjon meħtieġ fil-paragrafu 2. F’każ ta’ parità, għandhom iseħħu votazzjonijiet suċċessivi. Meta l-membri tal-korp elettorali jivvotaw, jenħtieġ li huma jimmiraw li jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-Istati Membri.

5.   Għandha tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi tal-voti tal-membri tal-korp elettorali preżenti fil-laqgħa sabiex jiġi elett kull wieħed mill-erba’ membri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 11(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.”;

7.

L-Artikolu 9 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta konġunta mill-President tiegħu mill-ewwel Viċi-President tal-BERS. Bħala regola, il-laqgħat ordinarji għandhom iseħħu fi żmien l-erba’ ġimgħat li jippreċedu l-laqgħa tal-Bord Ġenerali.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.

Il-President tal-Kumitat ta’ Tmexxija u l-ewwel Viċi-President tal-BERS jistgħu jistiednu wkoll, kull wieħed minnhom fuq inizjattiva tiegħu stess, jew fuq proposta minn membri oħra tal-Kumitat ta’ Tmexxija, lil persuni oħra sabiex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija fejn xieraq, u soġġetti għall-konformità mar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.

Meta membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija ma jkunx jista’ jattendi għal laqgħa, jista’ jinħatar membru alternattiv bil-miktub. Bħala regola l-President tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jinbidel minn wieħed miż-żewġ Viċi-Presidenti tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv. Il-Viċi-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jkun il-membru alternattiv tal-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv. Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS għandu jiġi nnotifikat bil-miktub b’dawn it-tibdiliet fiż-żmien dovut qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija.”;

8.

L-Artikolu 10 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-aġenda għal kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandha tkun proposta b’mod konġunt mill-President u mill-ewwel Viċi-President tal-BERS u tiġi adottata fil-bidu tal-laqgħa mill-Kumitat ta’ Tmexxija. Aġenda provviżorja għandha titfassal mill-President u mill-ewwel Viċi-President tal-BERS b’mod konġunt u, fil-prinċipju, għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti relatati, lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-anqas għaxart ijiem kalendarji qabel il-laqgħa. Il-membri kollha tal-Kumitat ta’ Tmexxija jistgħu jipproponu punti u dokumenti lill-President u lill-ewwel Viċi-President tal-BERS għall-kunsiderazzjoni mill-Kumitat ta’ Tmexxija.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jeżamina bil-quddiem punti fl-aġenda preliminari għal laqgħa tal-Bord Ġenerali flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiżgura l-preparazzjoni tal-inkartamenti għall-Bord Ġenerali u, fejn xieraq, għandu jipproponi għażliet jew soluzzjonijiet. Għandhom jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (b), skont kif ikun applikabbli, meta tiġi ppjanata l-ħidma u jitħejjew l-aġendi tal-laqgħat tal-Bord Ġenerali. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jirrapporta fuq bażi kontinwa lill-Bord Ġenerali dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-BERS.”;

9.

L-Artikolu 13 huwa emendat skont kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2a.

Rappreżentant wieħed tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Iżlanda u tan-Norveġja, u, fil-każ tal-Liechtenstein, rappreżentant tal-Ministeru tal-Finanzi, kif ukoll rappreżentant tal-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri tal-EFTA għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv.

Il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv jista’ jistieden ukoll, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq proposta minn membru ieħor wieħed jew aktar tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, rappreżentant ta’ livell għoli ta’ awtorità nnominata li jkun innominat f’konformità mal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 u/jew rappreżentant ta’ livell għoli ta’ awtorità nazzjonali inkarigat bit-tmexxija tal-politika makroprudenzjali kif imsemmi fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ dak ir-Regolament sabiex jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, fejn xieraq, u soġġett għall-konformità mar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità.

Il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv jista’ jistieden ukoll, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq proposta minn membru ieħor wieħed jew aktar tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, rappreżentant ta’ livell għoli tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, sabiex jieħu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, fejn xieraq, u soġġett għall-konformità mar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.

Il-membri tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandhom jeleġġu l-Viċi-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv. L-elezzjoni għandha ssir permezz ta’ votazzjoni sigrieta u b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa. Il-membri tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-uffiċjali ta’ livell għoli tal-istituzzjonijiet membri tal-BERS għandhom ikunu kandidati eleġibbli. Ir-rappreżentant tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv ma jistax jiġi elett Viċi-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv. Il-mandat tal-Viċi-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jkun ta’ tliet snin u għandu jkun jista’ jiġġedded.”;

(c)

il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“7.

Il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jipproponi aġenda tal-anqas għaxart ijiem kalendarji qabel il-laqgħa, imħejjija f’konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, li għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Tekniku Konsultattiv għall-approvazzjoni. Dokumenti għal punti tal-aġenda għandhom ikunu disponibbli għall-membri kollha tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv mis-Segretarjat tal-BERS. Meta tkun qed tiġi ppjanata l-ħidma u jkunu qed jitħejjew l-aġendi tal-laqgħat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, għandhom jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-parteċipazzjoni minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 13(2a) għandha tikkonċerna biss il-punti ta’ rilevanza għall-Unjoni, eskluż kwalunkwe każ li fih jista’ jkun li tiġi diskussa s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ Stati Membri individwali;

(b)

ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti mill-Istati Membri tal-EFTA jistgħu jintalbu ma jiħdux sehem fil-laqgħat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv jew f’partijiet minn dawk il-laqgħat li jkunu relatati ma’ punti speċifiċi fl-aġenda, meta jista’ jkun li tiġi diskussa s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ Stati Membri individwali tal-Unjoni.

Wara li jirċievi l-aġenda provviżorja u fi żmien tliet ijiem tax-xogħol tal-BĊE, kull rappreżentant jista’ jippreżenta talba lis-Segretarjat tal-BERS għal punt fl-aġenda li għandu jiġi diskuss mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dawk ir-rappreżentanti li jkunu qed jieħdu sehem skont l-Artikolu 13(2a) meta ma jkunux issodisfati r-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) u/jew (b) tal-paragrafu 7, skont kif ikun applikabbli. L-identità tar-rappreżentant li jagħmel it-talba għandha tibqa’ anonima.”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“8.

Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jkun assistit mis-Segretarjat tal-BERS. Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS għandu jfassal il-minuti tal-proċeduri tal-laqgħat tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv, li għandhom jiġu ppreżentati għall-kummenti u għall-adozzjoni sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara l-laqgħa jew, jekk dan ma jkunx possibbli, qabel il-laqgħa sussegwenti.”;

10.

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord Ġenerali għandu jkun ikkonsultat fuq il-kandidat(i) magħżulin mill-BĊE għall-pożizzjoni ta’ Kap tas-Segretarjat tal-BERS skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1096/2010. Il-Bord Ġenerali, wara proċedura miftuħa u trasparenti, għandu jivvaluta jekk il-kandidati magħżula sabiex jiddaħħlu f’lista qasira għall-kariga ta’ kap tas-Segretarjat ikollhomx il-kwalitajiet, l-imparzjalità u l-esperjenza meħtieġa sabiex jamministraw is-Segretarjat. Il-Bord Ġenerali għandu jipprovdi biżżejjed dettalji lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni u ta’ konsultazzjoni.”;

11.

Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS għandhom jiġu adottati mill-Bord Ġenerali u ffirmati mill-President tal-BERS jew mill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS sabiex tiġi ċċertifikata l-konformità tagħhom mad-deċiżjoni tal-Bord Ġenerali.”;

12.

Fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord Ġenerali, il-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv jistgħu jagħmlu seduti pubbliċi jew mhux pubbliċi. Partijiet ikkonċernati bħal parteċipanti fis-suq, korpi tal-konsumatur u esperti akkademiċi li għandhom jiġu intervistati f’seduta għandhom jintgħażlu b’mod mhux diskriminatorju bl-għan li jiġu indirizzati sew sitwazzjonijiet speċifiċi.”;

13.

Fl-Artikolu 27, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-istrumenti legali tal-BERS għandhom jiġu adottati mill-Bord Ġenerali u ffirmati mill-President tal-BERS jew mill-Kap tas-Segretarjat tal-BERS sabiex tiġi ċċertifikata l-konformità tagħhom mad-deċiżjoni tal-Bord Ġenerali.”;

14.

Fl-Artikolu 28, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 8(4) u 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 u kwalunkwe ftehim ieħor ma’ istituzzjonijiet jew ma’ awtoritajiet oħra relatat mal-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, għandhom ikunu approvati mill-Bord Ġenerali u ffirmati mill-President tal-BERS f’ismu.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 2020.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Marzu 2020.

Francesco MAZZAFERRO

Kap tas-Segretarjat tal-BERS

f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2176 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 146).

(4)  Id-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011, li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4).

(*1)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).