ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 124A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
17 ta' April 2020


Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2020/C 124 A/01

Avviż ta’ post battal ECA/2020/6 — Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (post wieħed — grupp ta’ funzjonijiet AD, grad AD 9–AD 12)

1


MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Qorti tal-Awdituri

17.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 124/1


AVVIŻ TA’ POST BATTAL ECA/2020/6 — Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

(post wieħed — grupp ta’ funzjonijiet AD, grad AD 9–AD 12)

(2020/C 124 A/01)

 

MIN AĦNA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Il-QEA ġiet stabbilita fl-1975, u hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE. Is-sede tal-QEA tinsab fil-Lussemburgu u hemm madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, impjegati f’din l-istituzzjoni fil-qasam tal-awditjar, ta’ appoġġ u f’dak amministrattiv.

Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE. L-awdituri tal-Qorti jivverifikaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, kif ukoll li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus.

Permezz tax-xogħol li twettaq, il-Qorti tal-Awdituri tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u għall-promozzjoni tal-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Hija twissi dwar il-possibbiltà ta’ riskji, tipprovdi aċċertament, tindika fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE. Il-Qorti tippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

Skont ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) għandu funzjoni indipendenti u jinħatar direttament mill-Qorti.

X’QEGĦDIN NOFFRU

Il-Qorti ddeċidiet li tniedi proċedura ta’ reklutaġġ biex taħtar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (grad AD9-AD12) u biex tfassal lista ta’ riżerva ta’ kandidati adatti fuq il-bażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Din il-proċedura speċjali, li għandha l-għan li jimtela post fejn jinħtieġu kwalifiki speċjali, se ssir b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ, abbażi tal-Artikolu 29(1)(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-ħsieb li l-Awtorità tal-Ħatra jkollha għażla akbar ta’ kandidati.

Ir-rwol, il-mandat u r-responsabbiltajiet tal-UPD huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 u fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-QEA għall-UPD. L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jiżgura, b’mod indipendenti, li l-Istituzzjoni tapplika b’mod korrett il-liġi li tipproteġi lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Qorti.

Taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti, l-UPD huwa responsabbli, iżda mhux limitat għal, milli:

jiżgura b’mod indipendenti li l-QEA tirrispetta l-obbligi tagħha ta’ protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725;

jinforma u jagħti pariri lill-Qorti u lill-membri tal-persunal tal-QEA, kif ukoll iżid is-sensibilizzazzjoni tagħhom, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Protezzjoni tad-Data Personali;

jagħti pariri dwar miżuri amministrattivi ġenerali li jistgħu jħallu impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari fil-qasam ta’ teknoloġiji ġodda;

jiżgura li l-kontrolluri u s-suġġetti tad-data jiġu infurmati bid-drittijiet u bl-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725;

jagħti opinjonijiet u pariri lis-servizzi tal-QEA dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-QEA, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-proċess ta’ approvazzjoni tal-ġestjoni tal-bidla;

iżomm reġistru u inventarju tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali li jitwettqu mill-QEA;

iżomm reġistru dwar il-każijiet ta’ ksur ta’ data personali;

iżomm reġistru anonimu għall-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data;

jisma’ u jeżamina lmenti u talbiet oħra ppreżentati mis-suġġetti tad-data u jwettaq inkjesti, b’rispons għall-ilmenti jew fuq inizjattiva proprja tiegħu, fil-qasam tar-responsabbiltà tiegħu;

jinvestiga kwistjonijiet u fatti, fuq talba jew fuq inizjattiva proprja tiegħu, li jkunu relatati mal-possibbiltà ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament u jirrapporta kif meħtieġ;

jabbozza linji gwida u proċeduri relatati mal-aħjar prattiki fil-protezzjoni tad-data biex jippromwovi l-applikabbiltà tal-prinċipji dwar il-privatezza mid-disinn u l-privatezza prestabbilita;

jikkoopera mal-kontrollur f’dak li jirrigwarda t-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-privatezza għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali;

iwieġeb għat-talbiet mingħand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) u, fi ħdan l-isfera tal-kompetenza tiegħu, jikkoopera mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba ta’ dan tal-aħħar jew fuq inizjattiva proprja tiegħu;

jinnotifika lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) dwar l-attivitajiet tal-ipproċessar li x’aktarx jippreżentaw riskji speċifiċi; u

jattendi regolarment għal laqgħat fil-qasam tax-xogħol relatat mal-protezzjoni tad-data, jinvolvi lilu nnifsu fil-kooperazzjoni interistituzzjonali u jistabbilixxi skambju reċiproku ta’ informazzjoni ma’ Istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE.

Il-klassifikazzjoni tal-kandidati magħżula tiġi determinata abbażi tal-esperjenza professjonali rilevanti tagħhom: mill-inqas 9 snin għall-grad AD9, 12-il sena għall-grad AD10, 15-il sena għall-grad AD11 u 18-il sena għall-grad AD12.

Is-salarju bażiku ta’ kull xahar għall-gradi AD9 u AD12 (l-ewwel skala) huwa ta’ EUR 8 002,30 u EUR 11 590,57 rispettivament.

Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, u skont iċ-ċirkustanzi individwali u l-kompożizzjoni tal-unità domestika, ċerti allowances jistgħu jiġu miżjuda ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa tal-UE u huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom is-sistemi proprji tagħhom tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali, li huma bbażati fuq kontribuzzjonijiet li jitnaqqsu mis-salarji f’ras il-għajn.

It-tfal tal-membri tal-persunal jistgħu jibbenefikaw minn reġistrazzjoni mingħajr ħlas fl-Iskola Ewropea.

X’QEGĦDIN INFITTXU

I.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Din il-proċedura ta’ reklutaġġ hija miftuħa għall-applikanti li, fid-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà li ġejjin:

1.   Rekwiżiti legali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ dwar is-servizz militari;

jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għad-dmirijiet involuti.

2.   Kwalifiki

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja, kif ukoll esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

Se jitqiesu biss il-kwalifiki li jkunu ngħataw fl-Istati Membri tal-UE jew li jkunu suġġetti għaċ-ċertifikati ta’ ekwivalenza maħruġa mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri tal-UE.

3.   Esperjenza professjonali

Mill-inqas disa’ (9) snin ta’ esperjenza professjonali full-time ddokumentata, li minnhom ħames (5) snin iridu jkunu rilevanti għad-dmirijiet fil-funzjoni ta’ UPD, wara l-kisba tal-kwalifika li tiċċertifika l-ikkompletar tal-livelli ta’ studju meħtieġa bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà elenkata hawn fuq.

4.   Għarfien tal-lingwi

Billi l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi uffiċjali ta’ ħidma tal-Qorti, huwa meħtieġ għarfien tajjeb ħafna f’waħda minn dawn il-lingwi (livell minimu ta’ C1 fil-fehim, l-espressjoni orali u l-kitba), kif ukoll għarfien tajjeb fil-lingwa l-oħra (livell minimu ta’ B1 fl-istess kategoriji).

Biex tivvaluta ħilietek fil-lingwi barranin, ara s-sit web:

http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr

II.   REKWIŻITI SPEĊJALI

1.   Għarfien dwar il-qasam

Esperjenza professjonali ddokumentata fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, li tkun preferibbilment inkisbet permezz ta’ ħidma ma’/fi ħdan Istituzzjonijiet, Aġenziji u Korpi Ewropej jew ma’ servizz relatat fi ħdan l-Amministrazzjoni Nazzjonali ta’ Stat Membru tal-UE;

għarfien ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni, inklużi aspetti relatati mas-sigurtà teknika.

2.   Kwalifiki ta’ vantaġġ

Lawrja Universitarja fil-Liġi, fl-IT, jew fi kwalunkwe qasam rilevanti għad-dmirijiet deskritti hawn fuq;

ċertifikazzjoni ta’ UPD maħruġa minn korp ta’ ċertifikazzjoni deskritt fl-Artikoli 42-43 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew minn Assoċjazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-data.

3.   Ħiliet personali

Kapaċità fit-twettiq ta’ xogħol ta’ kwalità u fl-użu tar-riżorsi disponibbli bl-aktar mod effettiv, kif ukoll fid-dimostrazzjoni ta’ approċċ miftuħ u aċċessibbli, korteżija u imparzjalità;

kapaċità ddokumentata fl-analizzar ta’ informazzjoni kumplessa, fil-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi b’mod ċar u strutturat, fil-proponiment u l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tajba;

kapaċità ddokumentata fit-twettiq ta’ xogħol taħt pressjoni u bi skadenzi qosra, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet f’waqthom, u fil-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-kompiti b’rispons għal bidliet f’ambjent li qed jevolvi rapidament;

kapaċitajiet analitiċi eċċellenti, kif ukoll ħiliet fis-soluzzjoni tal-problemi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

ħiliet kbar ta’ negozjar u l-abbiltà li jiddefendi l-prinċipji u d-drittijiet relatati mal-protezzjoni tad-data fil-konfront tal-maniġment superjuri fi ħdan il-QEA, l-entitajiet awditjati u l-fornituri ta’ servizzi;

ħiliet interpersonali u ta’ komunikazzjoni li jkunu eċċellenti.

PROĊEDURA

Il-Kumitat tal-Għażla jagħżel minn qabel il-kandidati eliġibbli fuq il-bażi tal-għarfien u/jew l-esperjenza tagħhom fil-qasam u tal-kwalifiki ta’ vantaġġ tagħhom, kif imsemmija hawn fuq taħt ir-rekwiżiti speċjali fit-Taqsima II. Massimu ta’ 10 kandidati (3) se jintgħażlu b’dan il-mod, u se jiġu mistiedna għal intervista, li se tkun ikkomplementata minn test tal-kompetenza bil-miktub.

L-intervista u t-test tal-kompetenza għandhom jivvalutaw il-ħiliet personali tal-kandidat, kif imsemmija hawn fuq taħt ir-rekwiżiti speċjali fit-Taqsima II, kif ukoll il-kompetenzi tekniċi tagħhom.

Fi tmiem din il-proċedura, il-Kumitat tal-Għażla jfassal lista ta’ riżerva li tinkludi massimu ta’ ħames kandidati li l-aktar jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-avviż ta’ post battal. Il-kandidati magħżula jiġu kklassifikati f’ordni alfabetika.

L-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva bl-ebda mod ma tikkostitwixxi dritt għar-reklutaġġ. L-Awtorità tal-Ħatra tal-QEA hija responsabbli minn kwalunkwe offerta ta’ impjieg. Il-lista tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2021 u tista’ tiġġedded.

APPLIKAZZJONIJIET

Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija t-22 ta’ Mejju 2020 f’nofsinhar (CET).

L-applikazzjonijiet iridu jitfasslu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u jintbagħtu biss permezz tal-formola online ppubblikata għal dan l-avviż ta’ post battal fuq:

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/JobOpportunities.aspx#page-search---index---lang---mt_US

L-applikazzjonijiet iridu jinkludu d-dokumenti li ġejjin:

ittra ta’ motivazzjoni (mhux itwal minn tliet paġni);

CV aġġornat, (mhux itwal minn tliet paġni) ibbażat fuq il-mudell tal-Europass u li jispeċifika dati eżatti (ara: http://europass.cedefop.europa.eu);

għal uffiċjali li jaħdmu barra mill-Qorti: minbarra ż-żewġ elementi msemmija hawn fuq, irid jiġi pprovdut dokument li jikkonferma l-grupp ta’ funzjonijiet, il-grad u l-istatus tagħhom bħala uffiċjali;

kandidati magħżula f’kompetizzjonijiet miftuħa jew dawk li jkunu fuq lista ta’ riżerva jridu jindikaw ir-referenza tal-kompetizzjoni jew il-lista ta’ riżerva fl-applikazzjoni tagħhom (CV/ittra ta’ motivazzjoni/formola ta’ applikazzjoni).

Jekk jogħġbok innota li, meta l-applikazzjoni tiegħek tkun qiegħda tiġi evalwata, tittieħed biss inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tingħata fis-CV u fl-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek.

Id-dettalji li jingħataw fl-applikazzjoni jitqiesu veri u preċiżi, u għalhekk ikunu vinkolanti għall-applikant.

Jekk ikun meħtieġ, il-kandidati jridu jkunu kapaċi li, fuq talba, jagħtu evidenza bil-miktub tal-kwalifiki, tal-esperjenza professjonali u tad-dmirijiet attwali tagħhom.

Il-kandidati interessati jridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni li tinsab online sal-iskadenza mogħtija. Aħna ferm nirrakkomandaw lill-applikanti biex ma jistennewx sal-aħħar sigħat biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom. L-esperjenza turi li r-riskji ta’ konġestjoni fis-sistema jiżdiedu hekk kif toqrob id-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Jista’ mbagħad isir diffiċli biex applikazzjoni tiġi ppreżentata fil-ħin.

Applikazzjonijiet li ma jsegwux strettament dawn l-istruzzjonijiet jiġu rifjutati.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

F’konformità mal-politika tal-Qorti dwar opportunitajiet indaqs u l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tħaddan id-diversità u tippromwovi opportunitajiet indaqs. Il-Qorti taċċetta applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi u tieħu passi biex tiżgura reklutaġġ ibbilanċjat ta’ rġiel u nisa, kif meħtieġ mill-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tieħu wkoll miżuri li jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik personali.

Jekk tkun teħtieġ arranġamenti speċjali (għal diżabbiltà speċifika) biex tkun tista’ tieħu sehem f’din il-proċedura tal-għażla, nitolbuk tibgħat email fi żmien xieraq lil ECA-Recrutement@eca.europa.eu.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Il-Qorti hija impenjata li tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija ta’ privatezza speċifika għal postijiet tax-xogħol battala li tinsab fl-indirizz li ġej:

https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/Specific_Privacy_Statement_vacancies/Specific_Privacy_Statement_vacancies_MT.PDF

TALBIET GĦAL REVIŻJONI — ILMENTI U APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, f’xi stadju fil-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni li tkun ittieħdet fir-rigward tiegħek tkun żbaljata, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

I.   Talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Kumitat tal-Għażla

Inti tista’ tippreżenta talba motivata, bil-miktub, biex deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Kumitat tal-Għażla tiġi riveduta mill-ġdid. Din it-talba trid tintbagħat, fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni, lil ECA-Recours@eca.europa.eu.

II.   Ilmenti

Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tressaq ilment kontra d-deċiżjoni tal-QEA li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħek fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni. Dan l-ilment għandu jintbagħat lill-indirizz li ġej:

Secretary-General

European Court of Auditors

12, rue Alcide De Gasperi

L-1615 Lussemburgu

LUXEMBOURG

III.   Appelli ġudizzjarji

Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk l-ilment tiegħek jiġi rifjutat u din id-deċiżjoni taffettwak ħażin, tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jitressaq minn avukat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

IV.   Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Jekk inti tqis li t-trattament tal-applikazzjoni tiegħek kien jinvolvi amministrazzjoni ħażina mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-għan li ssolvi t-tilwima. Inti trid tressaq l-ilment tiegħek bil-miktub fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti rilevanti. Formola elettronika tal-ilmenti hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew. Il-preżentazzjoni ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew ma tirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ skadenza tal-perjodu li fih jista’ jsir l-appell, kif indikati hawn fuq.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Dment li jkun hemm ammont suffiċjenti ta’ kandidati.