ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 120

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
14 ta' April 2020


Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-550 sessjoni plenarja tal-KESE, 19.2.2020–20.2.2020

2020/C 120/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020[COM(2019) 650 final]

1

2020/C 120/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro [COM(2019) 652 final]

7


MT

 


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-550 sessjoni plenarja tal-KESE, 19.2.2020–20.2.2020

14.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020”

[COM(2019) 650 final]

(2020/C 120/01)

Relatur:

Tommaso DI FAZIO

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 6.2.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

4.2.2020

Adottata fil-plenarja

19.2.2020

Sessjoni plenarja Nru

550

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

120/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020, ibbażata fuq l-erba’ pilastri fundamentali tal-ambjent, il-produttività, l-istabbiltà u l-ekwità. B’mod partikolari jqis li l-għan iċċentrat fuq is-sostenibbiltà ambjentali jirrappreżenta, kif argumentat b’mod validu fl-Istrateġija, referenza assoluta li għandhom iduru magħha d-deċiżjonijiet u l-isforzi tas-soċjetà kollha, kif ukoll mezzi li jista’ u jrid juża sabiex b’mod effettiv jinkisbu l-għanijiet stabbiliti għall-2030 u n-newtralità ambjentali fl-2050. F’dan ir-rigward il-KESE jirrakkomanda li jkun possibbli li dawn jiġu antiċipati, meta jkun meħtieġ, mill-indiċijiet ta’ degradazzjoni ambjentali.

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 ġew inklużi fil-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi kollha, u b’hekk isir kontribut għal ekonomija Ewropea tas-suq soċjali għas-servizz ta’ kulħadd u jiġu żgurati s-sostenibbiltà, l-inklużività u l-kompetittività tat-tkabbir.

1.3.

Il-KESE huwa konvint li s-sostenibbiltà hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe strateġija ta’ kompetittività ta’ suċċess u li għalhekk l-Ewropa għandha ttejjeb l-ixpruni ekonomiċi, waqt li ssaħħaħ il-pożizzjoni globali tagħha bħala innovattur, abbażi tal-mudell tal-ekonomija ċirkolari u tat-tranżizzjoni lejn mudelli sostenibbli ġodda ta’ żvilupp. Dan joħloq il-mewġa li jmiss ta’ opportunitajiet ta’ negozju mmexxija mid-domanda għal soluzzjonijiet sostenibbli.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-bidla mħabbra fl-Istrateġija Annwali biex tingħeleb il-mentalità attwali ċċentrata fuq l-ipprogrammar u l-għanijiet fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien, u biex finalment jiġu stabbiliti strateġiji għal perjodu twil ta’ żmien, kif bżonjuża mill-investimenti meħtieġa biex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ sostenibbiltà ambjentali permezz tal-pjani kumplessi tal-enerġija u l-klima mfassla mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi f’din il-viżjoni strateġika l-ħtieġa li jiġu żviluppati malajr in-netwerks intelliġenti, interoperabbli, tanġibbli u intanġibbli tal-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġi kkompletat u żviluppat b’mod sostenibbli suq uniku kontinentali attrezzat u koeżiv sabiex jiġi żgurat żvilupp armonjuż, ekwitabbli u inklużiv.

1.6.

Il-KESE jaqbel mal-linji gwida li hemm fl-Istrateġija Annwali dwar l-investiment fis-setturi intanġibbli tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-titjib tal-ħiliet u jqishom bħala kruċjali u deċiżivi. Dawn huma investimenti fit-tul u fit-tul ħafna biex jitjiebu s-soċjetà, il-kultura tagħha u l-kompetittività internazzjonali tagħha.

1.7.

Il-KESE jaqbel u jappoġġja l-linji gwida li jiġu żviluppati r-riċerka u l-innovazzjoni, u li jiżdiedu l-fondi għalihom peress li dawn huma investimenti fit-tul, strateġiċi għall-kompetittività tal-UE kollha fil-livell internazzjonali. Dan japplika b’mod partikolari fl-oqsma tal-modernizzazzjoni u s-sostituzzjoni b’teknoloġiji nodfa fis-settur tal-enerġija, tat-trasport u tat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, kif ukoll f’kull settur industrijali ieħor, iżda wkoll fl-agrikoltura u s-servizzi, permezz tal-użu dejjem akbar tat-teknoloġiji innovattivi, b’mod partikolari t-teknoloġiji diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija 5G.

1.8.

Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddedika spazju limitat għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fl-Unjoni, fejn iddikjarat biss li “il-prospettiva ekonomika fuq perjodu qasir għandha fuqha d-dell ta’ ambjent ekonomiku u ġeopolitiku li ma jgħinnhiex, kif ukoll inċertezza qawwija” u li “l-investiment u t-tkabbir potenzjali, madankollu, għadhom taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi”. Proċess mhux armonjuż tal-Brexit jista’ wkoll iħalli effett fuq sitwazzjoni bħal din. Skont il-KESE, l-akbar prijorità hija li jerġa’ jinkiseb it-tkabbir sostenibbli, speċjalment fil-pajjiżi u r-reġjuni l-aktar dgħajfa, bi tkabbir qawwi fil-PDG Ewropew sabiex jiġu ġġenerati l-prosperità u l-ġid, li huma essenzjali biex tiġi appoġġjata l-Istrateġija.

1.9.

Madankollu, il-KESE japprova l-linji gwida strateġiċi identifikati għat-tkabbir u sabiex jiġi kkaratterizzat is-Semestru Ewropew 2020. Huwa japprova wkoll il-kwistjonijiet prinċipali enfasizzati sabiex jinkiseb kull għan, b’mod partikolari dak relatat mal-investiment meħtieġ sabiex jiġu implimentati l-programmi ambjentali, li, fil-mandat attwali tal-Patt ta’ Stabbiltà u tar-regoli stretti tiegħu, jistgħu jagħmluha diffiċli li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-pjani dwar l-enerġija u l-klima fl-Istati Membri. Jista’ jkun il-każ li l-għanijiet tar-riabilitazzjoni ambjentali jinkisbu biss mill-pajjiżi tal-UE li jikkonformaw jew jeċċedu r-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà. Dan iwassal biex l-UE ma tiksibx l-għan li trid tikseb fis-sħiħ, waqt li tikseb riżultat parzjali għad-dinja kollha, u titbiegħed mix-xewqa li l-UE kollha kemm hi tkun referenza għall-pajjiżi l-oħra tad-dinja.

1.10.

Għalhekk, il-KESE jispera li jiġu studjati u adottati miżuri li jirregolaw l-investiment li, waqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà jew bl-eċċezzjoni tagħhom u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jippermettu lill-pajjiżi kollha jinvestu dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom stipulati fil-pjani integrati għall-enerġija u l-klima approvati mill-Kummissjoni.

1.11.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta stabbilita fl-Istrateġija għat-Tkabbir 2020 biex jintużaw kull mezz u kull ingranaġġ finanzjarju disponibbli diġà permezz tal-istrumenti eżistenti previsti fil-Pjan Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. Din il-proposta saret pubblika meta ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2020. Il-Kumitat jispera wkoll li jkun hemm aġġustament ’il fuq tal-mezzi finanzjarji, jekk meħtieġ, biex jintlaħqu l-objettivi.

1.12.

Il-KESE jappella li l-Kummissjoni tikkontrolla b’mod effikaċi u proattiv ir-riżultati li għandhom jinkisbu minn diversi Stati Membri abbażi tal-pjani miftiehma dwar l-enerġija u l-klima, filwaqt li jitħeġġu l-attivitajiet ta’ appoġġ biex jissolvew il-problemi, inklużi dawk finanzjarji u metodoloġiċi, aktar milli dawk ta’ kritika.

1.13.

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jissaħħu l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u biex jiġu ssikkati r-regoli tas-swieq finanzjarji bil-għan li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-munita Ewropea u jiġi evitat, permezz tat-tisħiħ tal-istandards makroprudenzjali u ta’ miżuri oħra li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri, kwalunkwe perjodu futur ta’ kriżi li jista’ jiġi minn bnadi oħra fid-dinja minħabba l-globalizzazzjoni u jkollu impatt fuq l-Ewropa. Minbarra l-proċess li għaddej sabiex jiġu kkompletati l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ir-reviżjoni strateġika li jmiss tal-politika monetarja tal-BĊE (1) għandha tiffoka b’mod aktar speċifiku fuq it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro u t-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro.

1.14.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżamm il-benesseri tal-persuni fil-qalba tal-Istrateġija għat-Tkabbir 2020 billi jinżammu u jissaħħu l-kisbiet soċjali li jagħmlu lill-UE mexxejja fid-dinja.

1.15.

Fir-rigward tal-pilastru fundamentali tad-drittijiet soċjali, il-KESE jilqa’ l-fatt li dawn huma enfasizzati fl-Istrateġija għat-Tkabbir Sostenibbli 2020. Il-KESE jittama li, fl-għanijiet tas-Semestru Ewropew, tingħata attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-ġeneru, b’referenza partikolari għad-drittijiet tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, għall-kisba ta’ pagi indaqs, għall-protezzjoni tal-post tax-xogħol għall-ommijiet, anke biex tiġi miġġielda t-tendenza demografika negattiva, u għall-introduzzjoni ta’ titjib sostanzjali għal-leġislazzjoni li tipproteġi l-familja, inklużi t-titjib għal-liv tal-ġenituri għall-missirijiet, u għall-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol favorevoli biex jiġu evitati l-forom kollha ta’ vjolenza fiżika u psikoloġika kontra n-nisa. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-leġislazzjoni dwar id-divorzju għandha tiġi applikata b’mod konsistenti u ugwali bil-għan li jiġi żgurat li ż-żewġ konjuġi jibqgħu jgawdu minn drittijiet ugwali fir-rigward ta’ uliedhom.

1.16.

Fil-fehma tal-KESE, l-UE għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fix-xena internazzjonali sabiex tippreserva l-prosperità, is-sigurtà u l-valuri li fuqhom hija mibnija, filwaqt li tieħu t-tmexxija fix-xena globali, appoġġjata minn twettiq komprensiv konvint u koerenti tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u minn ordni globali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, fejn in-Nazzjonijiet Uniti tkun fil-qalba tagħhom, filwaqt li tiddefendi b’determinazzjoni l-prinċipji tad-demokrazija u s-salvagwardja tal-pjaneta, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

1.17.

Il-KESE huwa konvint li t-tlestija ta’ suq uniku attrezzat u koeżiv, li jiffoka fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji, tista’ tagħti kontribut ewlieni għat-tkabbir, jekk tkun iċċentrata fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Għandha tkun fil-qalba ta’ integrazzjoni Ewropea armonjuża u inklużiva, rivitalizzata, aġġornata u adegwata għat-teknoloġiji u l-infrastrutturi l-ġodda ta’ suq uniku diġitali kompletament interoperabbli. Fit-tranżizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ikun hemm enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-mudell ta’ intrapriża ffukat fuq in-nies, bħall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

1.18.

Il-KESE jqis li, flimkien ma’ semplifikazzjoni amministrattiva profonda, proċess wiesa’ ta’ diġitalizzazzjoni u inizjattivi intensi għall-bini tal-kapaċitajiet tal-partijiet interessati kollha, hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura ta’ governanza tas-suq uniku msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

1.19.

Il-KESE jemmen li t-twettiq tal-viżjoni strateġika proposta tista’ tiffaċċja riskji u reżistenza jekk ma jkunx hemm mekkaniżmi ġodda ta’ governanza li jistgħu jinvolvu liċ-ċittadini u lin-negozji, kif ukoll lill-atturi pubbliċi u privati, bħala atturi proattivi fil-livell lokali u reġjonali, fi proċess minn isfel għal fuq li kapaċi jagħti leħen u piż lit-talbiet u lill-problemi konkreti lokali.

1.20.

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda strutturi ġodda ta’ governanza f’diversi livelli biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni u l-involviment tal-ekonomija lokali u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ekwi li jirriflettu l-kundizzjonijiet li joperaw fihom.

2.   L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020, kif proposta mill-Kummissjoni

2.1.

Jidher li kulħadd jaqbel li hemm bżonn ta’ strateġija globali ġdida fit-tul għal tkabbir sostenibbli u inklużiv għall-futur tal-Ewropa, akkumpanjata minn pjan ta’ implimentazzjoni komprensiv, biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sal-2030, li jkopru l-aspetti kollha li jaffettwaw lis-soċjetà u liċ-ċittadini Ewropej, lin-negozji u lill-ambjent li joperaw fih, lill-industrija u l-kompetittività tagħha, mill-investiment u l-akkwisti pubbliċi sal-kummerċ, il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

2.2.

Bir-rapport tal-UE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, l-Istati Membri għandhom iqisu l-prijoritajiet stabbiliti fih mill-Kummissjoni meta jkunu qegħdin ifasslu l-politiki u l-istrateġiji nazzjonali li ser jikkontribwixxu għall-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u għall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

2.3.

Il-Komunikazzjoni dwar L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020 (2) kellha l-għan li tirrappreżenta l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet politiċi li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri meta jfasslu l-politiki ekonomiċi tagħhom għall-2020 u hija bbażata fuq li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti 2030 jiġu integrati fil-politiki Ewropej u b’mod partikolari:

is-sostenibbiltà ambjentali, iż-żidiet fil-produttività, l-ekwità u l-istabbiltà makroekonomika bħala pilastri ta’ mudell ġdid tal-politika ekonomika tal-UE fis-snin li ġejjin;

il-ħtieġa li jiġi żviluppat dan il-mudell ġdid ta’ tkabbir biex jiġu ttrattati b’mod effettiv il-problemi fit-tul li huma maħsuba biex jittrasformaw lis-soċjetà Ewropea;

il-ħolqien ta’ tmexxija politika u ekonomika Ewropea fil-livell globali abbażi tal-mudell il-ġdid biex jiġi stimulat it-tkabbir potenzjali;

l-ibbilanċjar fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ politiki bħal dawn u tar-riformi strutturali: id-distribuzzjoni tal-benefiċċji u t-trażżin tal-ispejjeż għall-gruppi l-aktar vulnerabbli ta’ ċittadini;

investiment pubbliku u privat konsiderevoli biex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn id-diversi objettivi ta’ politika identifikati, kemm li jiġu investiti “ammonti bla preċedent f’riċerka u innovazzjoni tal-ogħla kwalità” u fit-taħriġ kif ukoll, b’mod partikolari, biex jinkisbu “l-miri tal-2030 għall-klima u l-enerġija”;

ottimmizzazzjoni tal-fattur ewlieni tal-baġit tal-UE għall-2021–2027 sabiex dawn l-ambizzjonijiet politiċi jsiru realtà: “Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, li jibni fuq mekkaniżmi eżistenti u ġodda, se jipproduċi l-investimenti neċessarji biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew” u “Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta se jieħu ħsieb ir-reġjuni l-aktar affettwati u jiżgura li ħadd ma jaqa’ lura”;

tisħiħ tal-governanza ekonomika u tar-responsabbiltà demokratiċi li jridu jimxu id f’id: aktar responsabbiltà demokratika fil-qasam tas-Semestru Ewropew u b’mod aktar ġenerali l-ħsieb tal-Kummissjoni li tiftaħ djalogu mal-Istati Membri u tistedinhom jinvolvu lill-parlamenti nazzjonali, lill-imsieħba soċjali u lill-partijiet interessati rilevanti kollha.

2.4.

Issa l-UE u l-Istati Membri għandhom jibdluhom fi strateġija u f’sett ta’ miżuri prattiċi. Biex is-sostenibbiltà tkun il-pedament tal-politika u l-azzjoni, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġbru flimkien varjetà ta’ strumenti li jippermettu liċ-ċittadini kollha jieħdu sehem, filwaqt li jittejbu l-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE.

2.5.

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Ottubru 2019, il-KESE saħaq fuq il-ħtieġa li “jeħtieġ naġixxu fil-livelli kollha fl-istess ħin u noħolqu azzjoni dinamika li tindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali urġenti” (3) u appella għal strateġija komprensiva tal-UE dwar is-sostenibbiltà sal-2050 sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti (4).

2.6.

F’din ir-Riżoluzzjoni, il-KESE saħaq ukoll li “din il-bidla fil-paradigma teħtieġ bidliet:

fil-governanza, jiġifieri hemm bżonn ta’ mekkaniżmi ta’ governanza ddedikati biex jiġu indirizzati l-problemi urġenti aktar malajr u jiġu indirizzati kwistjonijiet kumplessi. Ir-rwol ta’ mekkaniżmi bħal dawn ikun li jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri, u mhux biex jieħdu post l-azzjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-livelli;

l-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fil-proċessi ekonomiċi u ta’ monitoraġġ soċjali u bbaġitjar tal-UE”.

l-opportunità li s-Semestru Ewropew jiġi attrezzat “b’indikaturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali ġodda, imtejba, li jistgħu jitkejlu u komplementari biex jimmonitorjaw u jsegwu l-aspetti u l-prinċipji kollha tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ukoll tas-17-il SDG”.

2.7.

Is-sostenibbiltà hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe strateġija ta’ kompetittività ta’ suċċess u li l-Ewropa għandha ttejjeb l-ixpruni ekonomiċi, waqt li ssaħħaħ il-pożizzjoni globali tagħha bħala innovattur, abbażi tal-mudell tal-ekonomija ċirkolari. Dan joħloq il-mewġa li jmiss ta’ opportunitajiet ta’ negozju mmexxija mid-domanda għal soluzzjonijiet sostenibbli. Tkabbir b’saħħtu fid-domanda tas-suq għal soluzzjonijiet sostenibbli jeħtieġ konsistenza bejn l-għanijiet ta’ politika mmirati lejn is-sostenibbiltà.

2.8.

Fl-Opinjoni addizzjonali tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (5), il-KESE enfasizza:

il-ħtieġa li jiżdied l-investiment pubbliku u privat, speċjalment għall-infrastruttura soċjali u edukattiva;

l-allinjament mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU 2030 u mal-Pjan ta’ Tranżizzjoni tal-Enerġija u l-Klima;

l-intensifikazzjoni tar-riformi strutturali, speċjalment għal żbilanċi strutturali u bilanċi favorevoli attwali;

l-użu ta’ fondi għal investiment fiżiku, diġitali u ambjentali, u għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-kwalifiki;

ir-rwol ċentrali tad-difiża tad-drittijiet soċjali li għandhom jiġu inklużi fis-Semestru Ewropew fl-istess livell tal-għanijiet makroekonomiċi u baġitarji;

it-tassazzjoni biex jitħeġġu l-investimenti produttivi u n-nefqa fl-ekonomija reali;

il-konsultazzjonijiet tal-imsieħba soċjali fid-diversi passi għall-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew;

l-esklużjoni mill-privatizzazzjoni tal-assi strateġikament importanti.

2.9.

Fil-livell makroekonomiku, “hemm ħtieġa ċara għal strateġija ekonomika Ewropea ġdida: narrattiva pożittiva għall-iżvilupp futur tal-ekonomija tal-UE fid-dinja usa’ li tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE għall-iskossi ekonomiċi u s-sostenibbiltà – ekonomika, soċjali u ambjentali tal-mudell ekonomiku tagħha, biex b’hekk iġġib lura l-kunfidenza, l-istabbiltà u l-prosperità kondiviża għall-Ewropej kollha” (6).

2.10.

L-iżgurar ta’ “tkabbir sostenibbli u inklużiv, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-konverġenza ’l fuq, l-iżgurar tat-tkabbir tal-produttività u tal-kompetittività f’konformità mal-objettivi ta’ Ewropa 2020, kundizzjonijiet tajbin għan-negozji u għall-investiment, impjiegi ta’ kwalità u pagi adegwati, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, finanzi pubbliċi stabbli u sostenibbli, settur finanzjarju stabbli u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 u l-Ftehimiet ta’ Pariġi dwar il-Klima” (7).

2.11.

Bil-konvinzjoni li futur realistiku għall-Unjoni Ewropea huwa possibbli biss jekk bażi ekonomika soda tingħaqad ma’ dimensjoni soċjali b’saħħitha (8), il-KESE “wera li kien favur, b’mod konsistenti, tal-konverġenza ’l fuq u politika soċjali aktar effettiva kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll f’dak tal-Istati Membri” (9), bit-tfassil ta’ “pjan direzzjonali ċar u kkoordinat li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Pilastru u l-infurzar tad-drittijiet u l-istandards soċjali eżistenti”. “Proċess ġdid tas-Semestru Ewropew għandu jilħaq għanijiet soċjali fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-iżbilanċi soċjali u għandhom jiġu introdotti indikaturi ġodda li jistgħu jitkejlu, flimkien ma’ Rakkomandazzjonijiet immirati Speċifiċi għall-Pajjiżi” (10).

2.12.

Bħala parti mill-isforzi biex jissaħħaħ is-suq uniku, għandu jitħeġġeġ “il-ħolqien ta’ qafas li jkun adattat għall-iżvilupp ta’ diversi forom ta’ negozju li jkunu lesti jilqgħu l-isfidi li tiffaċċja s-soċjetà”. “Jeħtieġ li jitlaqqgħu flimkien u jiġu integrati ma’ xulxin il-forom differenti ta’ negozju. Madankollu, kull wieħed minn dawn l-oqsma jistħoqqlu attenzjoni dedikata mil-lat tal-miżuri leġislattivi u l-investiment pubbliku” u b’hekk jiġi rrifjutat l-approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” (11).

2.13.

Il-KESE enfasizza li “l-bidliet … fil-proċessi ta’ produzzjoni u l-ekonomija ġenerali li wasslu għalihom it-teknoloġiji ġodda, l-intelliġenza artifiċjali u l-big data se jibdlu b’mod radikali wkoll is-suq tax-xogħol” u huwa importanti li “dawn il-proċessi ta’ tibdil iseħħu fil-kuntest ta’ djalogu soċjali li jagħti l-frott, u b’rispett għad-drittijiet u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema” (12).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jqis prijorità ewlenija li jiġi rakkomandat li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Dan għandu joħloq impjiegi ġodda u dejjiema u jiġġenera r-rikkezza meħtieġa biex jiġu sostnuti l-investimenti bil-għan li jiżdied it-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi f’ekonomija ċirkolari, jiġu intensifikati r-riformi strutturali għal governanza aħjar u aktar responsabbiltà, speċjalment fl-oqsma diġitali u ambjentali, u jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki u d-difiża tad-drittijiet soċjali meħtieġa mill-mudell il-ġdid tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

3.2.

It-tranżizzjoni lejn mudell ta’ żvilupp ġdid trid tkun ibbażata fuq is-sostenibbiltà kompetittiva bħala l-pedament ta’ ekonomija soċjali tas-suq Ewropew ta’ suċċess. Fil-futur din għandha tkompli tkun il-prinċipju gwida dment li jiġu protetti n-nies u r-reġjuni mill-ispejjeż tal-bidliet li ser ikun hemm inevitabbilment, permezz ta’ investiment f’sistemi ta’ protezzjoni soċjali effettivi u integrati.

3.3.

Il-kriżi finanzjarja enfasizzat l-importanza tal-istabbiltà u l-integrazzjoni fis-swieq kapitali u finanzjarji, fejn il-frammentazzjoni tkompli tkun ta’ ostaklu biex jikbru nnegozji u jiżdiedu l-investimenti: hemm bżonn li jiġu adottati aktar miżuri, b’mod partikolari fis-settur finanzjarju, biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-suq u l-fiduċja fl-Istati Membri kollha.

3.4.

L-UE teħtieġ strateġija ekonomika ġdida li tippromovi żvilupp ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, li joffri rata’ ta’ impjieg sħiħa u produttiva u xogħol deċenti għal kulħadd. Il-KESE huwa konvint li t-tlestija ta’ suq uniku attrezzat u koeżiv, li jiffoka fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tan-negozji għandu jkun fil-qalba ta’ integrazzjoni Ewropea armonjuża u inklużiva, rivitalizzata, aġġornata u adegwata għat-teknoloġiji u l-infrastrutturi l-ġodda ta’ suq uniku diġitali kompletament interoperabbli. Fit-tranżizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ikun hemm enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-mudell ta’ intrapriża ffukat fuq in-nies, bħall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

3.5.

Il-KESE jqis li, flimkien ma’ semplifikazzjoni amministrattiva profonda, proċess wiesa’ ta’ diġitalizzazzjoni u miżuri intensivi biex tinbena l-kapaċità tal-partijiet interessati kollha, hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura ta’ governanza tas-suq uniku msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan ikun jeħtieġ l-involviment proattiv taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji, sabiex jiġu żviluppati kunċetti ssemplifikati u faċli għall-utent u l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni f’waqthom, trasparenti u effiċjenti tar-regoli tas-suq uniku bħala bażi għat-transizzjoni b’suċċess lejn UE diġitali, effiċjenti, koerenti, bilanċjata u sostenibbli f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

3.6.

Kif diġà espress, il-KESE jenfasizza l-importanza li, mill-aktar fis possibbli, “jingħalaq id-distakk diġitali infrastrutturali, territorjali u kulturali li sal-lum huwa ta’ ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-UE u sors ta’ inugwaljanza ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien u ta’ opportunitajiet għaċ-ċittadini u għan-negozji” (13).

3.7.

Il-KESE jemmen li, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ governanza li kapaċi jinvolvu liċ-ċittadini u lin-negozji kif ukoll lill-atturi pubbliċi privati bħala protagonisti proattivi fil-livell lokali u reġjonali fi proċess minn isfel għal fuq li kapaċi jagħti leħen u piż lit-talbiet u lill-problemi konkreti lokali, it-twettiq tal-viżjoni strateġika proposta tista’ tiffaċċja riskji u reżistenza li kapaċi jnaqqsu r-ritmu tal-proċess ta’ implimentazzjoni. Għalhekk jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jintroduċu strutturi ta’ governanza ġodda li jistgħu jiżguraw il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-ekonomija lokali u tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ekwi u xierqa għaċ-ċirkostanzi li joperaw fihom.

Brussell, id-19 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Stqarrija introduttorja, konferenza stampa, Christine Lagarde, President tal-BĊE, it-12 ta’ Diċembru 2019.

(2)  L-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp [sic] Sostenibbli 2020 (COM (2019) 650 final).

(3)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 u lil hinn” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 1).

(4)  Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development [Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli].

(5)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24.

(6)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar “Lejn ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 23).

(7)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar “Viżjoni ġdida għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja” (ĠU C 353 18.10.2019, p. 32).

(8)  Opinjoni tal-KESE tad-19 ta’ Ottubru 2017 dwar “L-impatt tad-dimensjoni soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-futur tal-UE” (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145), punti 1.2 u 2.2.

(9)  Pereżempju fl-Opinjonijiet li ġejjin: “Prinċipji għal sistemi tal-benefiċċji soċjali effettivi u affidabbli” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40); “L-impatt tad-dimensjoni soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-futur tal-UE” (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145), u “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom” (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 135).

(10)  Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Settembr u 2019 dwar “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – evalwazzjoni tal-implimentazzjoni inizjali u rakkomandazzjonijiet għall-futur” (ĠU C 14, 15.1.2020, p 1).

(11)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Il-promozzjoni ta’ suq uniku li jiffavorixxi l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 6), punti 1.3 u 1.5.

(12)  Opinjoni tal-KESE tas-17 ta’ Lulju 2019 dwar Il-promozzjoni ta’ suq uniku li jiffavorixxi l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 6), punti 1.3 u 1.5.

(13)  Opinjoni tal-KESE tat-18 ta’ Ottubru 2017 dwar Suq Uniku Diġitali/Analiżi ta’ nofs it-terminu (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102), punt 1.8.


14.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

[COM(2019) 652 final]

(2020/C 120/02)

Relatur:

Petr ZAHRADNÍK

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 6.2.2020

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

4.2.2020

Adottata fil-plenarja

19.2.2020

Sessjoni plenarja Nru

550

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/10/17

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota bi tħassib it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku taż-żona tal-euro u li r-rata tal-qgħad m’għadhiex tonqos, flimkien mal-inċidenza għolja persistenti ta’ fatturi ta’ riskju li jaffettwaw il-prestazzjoni ekonomika.

1.2.

Madankollu, il-KESE jqis li l-Patt Ekoloġiku Ewropew se jkun is-sinsla għall-UE u l-konfigurazzjoni ekonomika taż-żona tal-euro fil-futur – il-bidu potenzjali ta’ bidla fundamentali u punt ta’ żvolta. Se jkun jiddependi ħafna minn kif nindirizzaw din il-bidla. Jekk tiġi mmaniġġjata tajjeb, din tista’ tagħti spinta lill-Ewropa kemm ekonomikament kif ukoll soċjalment; jekk le, il-falliment tagħha jista’ jipperikola serjament l-integrità tal-UE.

1.3.

Indikaturi importanti tal-iżvilupp ekonomiku – kemm mill-perspettiva tradizzjonali kif ukoll minn dik tal-elementi ġodda fil-Patt Ekoloġiku Ewropew – huma d-disparità u d-differenzi ġeografiċi li għad baqa’ fl-UE, li jippersistu minkejja xi konverġenza relattivament ta’ suċċess matul l-aħħar ftit snin.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-fehma li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jipprovdi pjattaforma għall-promozzjoni ta’ valur miżjud komuni Ewropew, li huwa meħtieġ biex jgħin u jżid ir-ritmu tal-konverġenza.

1.5.

Il-KESE jinnota li, minkejja fatturi ta’ riskju persistenti, b’mod partikolari f’xi Stati Membri, ġie osservat ċertu titjib fl-istat, l-istabbiltà u l-funzjonament tas-settur finanzjarju fiż-żona tal-euro.

1.6.

Il-KESE jemmen li r-riformi strutturali u l-investimenti meħtieġa mill-Patt Ekoloġiku Ewropew jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex isaħħu l-prosperità ekonomika taż-żona tal-euro, inkluż f’dawk l-Istati Membri li l-potenzjal ta’ tkabbir tagħhom bħalissa jinsab taħt il-medja. Dan jista’ jgħin il-konverġenza fi ħdan iż-żona tal-euro u fl-UE b’mod ġenerali.

1.7.

Il-KESE jinnota, bħala kwistjoni urġenti, li biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se tkun meħtieġa injezzjoni b’saħħitha ta’ fondi, li għadha ma ġietx żgurata kollha kemm hi. B’ mod partikolari, ninsabu mħassba dwar in-nuqqas ta’ finanzjament propost għall-Fond u l-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta. Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku se jkollhom jintużaw ir-riżorsi pubbliċi u privati nazzjonali u jrid jiġi provdut il-mekkaniżmu biex jiġu allokati.

1.8.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal politika fiskali aggressiva b’kawtela fil-perjodu li ġej, speċjalment fid-dawl tat-tnaqqis mistenni fir-ritmu ekonomiku, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata interazzjoni bbilanċjata bejn il-politika ekonomika u l-pilastri li fuqhom hija bbażata l-UEM. L-adozzjoni tar-regola ta’ baġit bilanċjat (regola tad-deheb) għall-investiment pubbliku tkun ta’ għajnuna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

1.9.

Il-KESE jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni biex is-sistema tat-taxxa tiġi mfassla apposta għall-ħtiġijiet futuri, kemm biex tħeġġeġ imġiba aktar favur l-ambjent mill-konsumaturi u l-produtturi, biex tiżgura tassazzjoni ġusta li tevita li taggrava d-diskrepanzi fil-livell tal-introjtu u l-ġid, kif ukoll bl-użu ta’ rekwiżiti legali għall-prevenzjoni tal-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

1.10.

Il-KESE jinnota l-bżonn li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn ambjent li jiffaċilita l-innovazzjoni finanzjarja u l-istabbiliment ta’ regoli għas-superviżjoni u r-regolazzjoni tas-suq finanzjarju, fi żmien meta tipi ġodda ta’ pjattaformi finanzjarji qegħdin dejjem jiżdiedu. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza kbira li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tas-suq. Fil-fatt, il-Kumitat ripetutament ġibed l-attenzjoni dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-elementi ewlenin li għad jonqos li huma essenzjali għall-ikkompletar tal-unjoni finanzjarja.

2.   Kuntest

2.1.

Il-prestazzjoni tal-ekonomija taż-żona tal-euro qed tnaqqas ir-ritmu tagħha, il-qgħad m’għadux jonqos u, minkejja tkabbir moderat, l-inflazzjoni għadha baxxa u taħt il-mira tal-inflazzjoni.

2.2.

Il-prospettiva għall-2020 hija assoċjata ma’ inċidenza ogħla ta’ fatturi ta’ riskju u l-inċertezzi li jirriżultaw. Dawn ir-riskji jistgħu jwasslu għal perjodu itwal ta’ tkabbir dgħajjef, inflazzjoni baxxa u tkabbir baxx fil-pagi, u għal żieda dejjem akbar fl-inugwaljanza fl-introjtu matul is-snin li ġejjin, sakemm ma jkunx hemm irkupru qawwi fl-investiment, speċjalment f’setturi ta’ produttività għolja li fihom iż-żona tal-euro u l-UE jkunu jistgħu jikkompetu globalment.

2.3.

Minkejja suq tax-xogħol favorevoli, kien hemm biss żieda bil-mod, moderata fil-pagi reali f’livell ta’ inqas minn 1 % fl-2018 u l-2019 – u anke din tibqa’ mifruxa b’mod inugwali ħafna, bi żbilanċ fid-distribuzzjoni tal-ġid. F’ħafna każijiet, fil-fatt, l-inugwaljanzi fil-pagi żdiedu, b’pagi reali f’xi pajjiżi li għadhom aktar baxxi milli kienu għaxar snin ilu. Dan qed iżid l-għadd ta’ ħaddiema foqra – dawk li jsibuha diffiċli, minkejja li jkunu jaħdmu, biex jaqbżu s-soll tal-faqar jew dawk li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Iż-żieda fil-pagi reali u t-tnaqqis tal-faqar huma importanti biex jgħollu l-istandards tal-għajxien u jżidu l-konsum privat, bil-benefiċċji li jġibu għall-produzzjoni u t-tkabbir.

2.4.

Is-surplus kbir fil-kont kurrenti naqas u d-distakk bejn id-defiċit u s-surplus tal-Istati Membri naqas bi ftit, primarjament minħabba domanda esterna li qed tiddgħajjef. Madankollu, xi Stati Membri għad għandhom surpluses eċċessivi. Il-miżuri – permezz ta’ investimenti u pagi – li jwasslu għat-tnaqqis tagħhom jgħinu biex ireġġgħu lura t-tkabbir dgħajjef taż-żona tal-euro.

2.5.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrappreżenta element fundamentalment ġdid; jinħass bħala opportunità fit-tul li jista’ jkollu impatt fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli diġà fuq perjodu qasir. Madankollu, fuq medda qasira u medja ta’ żmien, dan se jinvolvi spejjeż finanzjarji kbar. Se jkunu importanti ħafna wkoll l-istrumenti l-ġodda proposti: il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

2.6.

L-asimmetriji fl-iżvilupp ekonomiku taż-żona tal-euro jibqgħu sfida, ikkawżati kemm mill-effetti profondi tal-kriżi ekonomika preċedenti kif ukoll mid-diversità ta’ problemi strutturali fl-ekonomiji ta’ Stati Membri individwali, li ma jippermettux li jintlaħaq il-potenzjal ekonomiku sħiħ f’kull Stat Membru. Dawn l-asimmetriji jwasslu wkoll għal konsegwenzi soċjali serji, b’mod partikolari faqar u esklużjoni soċjali persistenti. Għalkemm, meta mqabbel mal-2012, bħalissa hemm madwar ħames miljun persuna inqas affettwati minn dawn il-kwistjonijiet, il-KESE xorta waħda jħoss leġittimu li jsaqsi jekk, fid-dawl tat-tnaqqis mistenni fir-ritmu ekonomiku, hemmx riskju li din is-sitwazzjoni terġa’ sseħħ, u jekk issa l-UE u l-Istati Membri humiex ippreparati aħjar biex jiffaċċjaw din it-theddida.

2.7.

Is-sitwazzjoni, l-istabbiltà u l-funzjonament tas-settur finanzjarju fiż-żona tal-euro tjiebu konsiderevolment mill-kriżi ’l hawn, iżda għad hemm ir-riskji u għad hemm oqsma li ma jgawdux minn kundizzjoni b’saħħitha, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċerti sistemi finanzjarji nazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jinnota li għalkemm iż-żona tal-euro għadha f’perjodu ta’ tkabbir ekonomiku, dan qed jibda jiddgħajjef. F’dan l-istadju, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-UEM hija bbażata fuq pilastru monetarju u finanzjarju, pilastru ekonomiku, pilastru soċjali u pilastru politiku. F’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (1), il-KESE jirrakkomanda li jiġi żgurat li dawn il-pilastri jkunu bbilanċjati b’mod ugwali; jekk dan il-bilanċ jiġi ttraskurat jew imfixkel jistgħu jinħolqu disparitajiet perikolużi.

3.2.

Madankollu, il-KESE jħoss li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jista’ jitqies bħala parametru fundamentali biex jiġu implimentati r-riformi strutturali meħtieġa u biex jitnieda l-investiment li dawn jirrikjedu. Simbjożi bejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-riformi strutturali tista’ ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul u telimina l-esternalitajiet soċjali u ambjentali negattivi flimkien ma’ ċerti fallimenti oħrajn tas-suq – sakemm li jiġu rispettati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

3.3.

Il-KESE jemmen li dawn ir-riformi huma ta’ importanza partikolari għal dawk l-Istati Membri li l-potenzjal ta’ tkabbir tagħhom huwa ferm inqas mill-medja taż-żona tal-euro. Investimenti b’saħħithom immirati lejn setturi produttivi se jippermettulhom jeliminaw dan id-distakk fl-għaxar snin li ġejjin.

3.4.

Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-importanza li wieħed jiftakar li mingħajr investimenti adatti u sostenibbli ż-żona tal-euro tirriskja li tidħol f’perjodu itwal ta’ potenzjal ta’ tkabbir u produttività baxxi, pagi baxxi, inugwaljanzi dejjem jikbru u inflazzjoni imprevedibbli.

3.5.

Il-KESE jinnota li fil-perjodu li ġej, iż-żona tal-euro se jkollha bżonn turi livell ogħla ta’ responsabbiltà u sensittività fir-rigward tal-impatt tal-ekonomija fuq it-tibdil fil-klima. L-ambitu u l-intensità tat-tibdil fil-klima bħalissa jikkostitwixxu wieħed mill-aktar riskji sistemiċi globali sinifikanti, li huma magħrufa u rikonoxxuti sew.

3.6.

Il-KESE jemmen li l-2020 x’aktarx ser tkun punt ta’ żvolta, b’bidla fil-paradigma ekonomika li twassal għall-integrazzjoni tal-kriterji ambjentali li ser ikunu parti mit-teħid ta’ deċiżjonijiet tas-suq. Dan se jkollu konsegwenzi kbar ferm lil hinn mill-2020. Dan il-punt ta’żvolta jitqies wieħed kruċjali mhux biss f’termini ta’ kif topera s-sistema ekonomika, iżda wkoll f’termini ta’ liema politika ekonomika mistennija tagħti riżultati. Il-KESE jwissi li jekk din il-fażi kruċjali tiġi ġestita ħażin, l-impatt fuq il-proġett kollu tal-UE jista’ jkun ta’ ħsara kbira. Għalhekk il-kunsens dwar dan huwa kruċjali u għandu jintlaħaq bejn firxa wiesgħa ta’ partijiet: bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, pereżempju, u bejn l-Istati Membri nfushom. Dan ifisser li jridu jiġu rikonoxxuti d-differenzi reġjonali qawwija u d-differenzi bejn l-interessi ta’ diversi sezzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.

3.7.

Għaldaqstant, il-KESE jqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-istrumenti ewlenin li jimplimentawh – fuq kollox il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta – bħala opportunità biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-bżonnijiet li nqalgħu; l-implimentazzjoni tiegħu ser tkun test importanti dwar jekk humiex koerenti l-interessi tal-membri taż-żona tal-euro u tal-UE inġenerali. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri mhux biss għandhom jiddefendu l-ħtiġijiet tagħhom stess, iżda għandhom jirrispettaw ukoll il-bżonnijiet tal-Membri l-oħra u jfittxu pożizzjoni komuni li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Dan għandu jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt fuq segmenti individwali tas-soċjetà, inkluż billi tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-politika dwar il-klima bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

3.8.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba l-isfida enormi li jippreżenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, huwa ċert li r-riżorsi komuni disponibbli fil-baġit tal-UE mhu se jkunu adatti xejn. Għalhekk bilfors irid jiġi kkunsidrat qafas ġdid għall-finanzjament ta’ ħtiġijiet strateġiċi komuni tal-UE u li jkun jinvolvi wkoll fondi pubbliċi u privati nazzjonali f’dan il-proċess. Il-KESE jżid li l-opportunitajiet għall-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi ma jinsabux biss f’“setturi ekoloġiċi” iżda wkoll f’oqsma li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħat-trasformazzjoni diġitali, l-iżvilupp ta’ industriji li jużaw netwerk, u l-infrastruttura tat-trasport intelliġenti u sostenibbli.

3.9.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-istrateġiji ta’ investiment, kemm taż-żona tal-euro kif ukoll dawk tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin, jiġu kkoordinati b’attenzjoni u li jiġu rispettati l-interessi tal-partijiet interessati rilevanti kollha. Mill-2021’il quddiem, żewġ għodod ġodda – l-Istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività u l-Programm InvestEU (2) – se jaqdu sew dan l-għan, sakemm ikunu akkumpanjati b’mod effettiv minn mezzi tradizzjonali għall-ġestjoni tar-riżorsi baġitarji tal-UE, bħall-politika ta’ koeżjoni.

3.10.

Il-kriżi ekonomika tal-2008 pparalizzat il-proċess ta’ konverġenza ekonomika bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-irkupru ma seħħx b’mod uniformi: hemm sinjali ta’ rkupru fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, iżda mhux fil-pajjiżi tan-Nofsinhar. Fl-istess ħin, l-aktar pajjiżi li rnexxew mill-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk qabżu jew qed ilaħħqu ma’ xi wħud mill-aktar ekonomiji tradizzjonali tal-UE, u dan il-proċess x’aktarx li jissokta fl-għaxar snin li ġejjin. Madankollu, il-konverġenza jeħtieġ li tiġi intensifikata, peress li għad hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja t-tkabbir sostenibbli u inklużiv tal-UE kollha kemm hi, u b’hekk jitnaqqsu l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi fl-Istati Membri u bejniethom.

3.11.

Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-fatt li d-diversi komponenti tal-politika ekonomika jeħtieġ li jiġu bbilanċjati. B’ mod partikolari, huwa essenzjali li l-strumenti ta’ politika fiskali jintużaw ukoll, kif ilu jitlob il-BĊE f’dawn l-aħħar snin. Il-BĊE x’aktarx li se jkompli japplika politika monetarja akkomodattiva u orjentata lejn it-tkabbir li għandha l-għan mhux biss li tqarreb l-inflazzjoni lejn il-mira tal-inflazzjoni, iżda wkoll li żżomm kundizzjonijiet favorevoli ta’ tkabbir filwaqt li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-BĊE bħala sellief tal-aħħar istanza.

3.12.

Id-dixxiplina fiskali mtejba matul il-perjodu preċedenti tippermetti li tiġi applikata politika fiskali aggressiva bi prudenza fil-futur qrib, filwaqt li jitqiesu wkoll l-effetti tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku reali fis-snin li ġejjin. Issa hemm lok konsiderevoli mhux biss għall-investiment, iżda wkoll biex tkompli tissaħħaħ b’mod viżibbli l-implimentazzjoni tal-politika strutturali, bil-ħsieb li jiżdied il-potenzjal ekonomiku u jiġu eliminati l-iżbilanċi persistenti u l-effetti tal-falliment tas-suq, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali. Dan ifisser, pereżempju, li jingħata appoġġ għal funzjonament ta’ istituzzjonijiet effettivi, sistema ġudizzjarja indipendenti li taħdem, amministrazzjoni pubblika tajba, pedamenti sodi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, sistemi ta’ tassazzjoni effettivi, sistemi ta’ edukattivi tajba, għodod konformi mas-suq biex jippromovu n-negozju, standards għoljin għall-benefiċċju tal-qgħad, u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi għad-djalogu soċjali, inkluż in-negozjar kollettiv.

3.13.

Il-KESE jinsab konvint li hemm lok għal aktar riflessjoni dwar ir-rilevanza u s-sostenibbiltà tal-parametri eżistenti tas-sistema tat-taxxa. Iż-żona tal-euro hija kkaratterizzata minn piż tat-taxxa relattivament għoli, li huwa wkoll inklinat lejn it-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Fl-istess ħin, it-taxxi ambjentali u tal-proprjetà ġeneralment jikkostitwixxu ftit wisq mit-taxxa globali. Il-KESE għalhekk jinnota l-ħtieġa li jiddaħħlu forom ta’ tassazzjoni li jtaffu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol filwaqt li jżiduh, pereżempju, fuq l-ispekulazzjoni. Huwa jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ tassazzjoni ġusta, b’mod partikolari fir-rigward ta’ forom ġodda tal-ekonomija diġitali, fejn il-kapital huwa kkonċentrat aktar fuq l-estrazzjoni ta’ valur milli fuq il-produzzjoni ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi. Fil-ġejjieni, it-taxxi ambjentali jistgħu jkunu strument importanti biex jixprunaw imġiba aktar ekoloġika min-naħa tal-konsumatur u tal-produttur, mingħajr ma jintlaqtu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku. Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li kwalunkwe tibdil fis-sistemi tat-taxxa jrid jevita li jkompli jaggrava d-distribuzzjoni ferm inklinata tad-dħul u l-ġid. Il-KESE jitlob li jitkomplew u jissaħħu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (ippjanar aggressiv tat-taxxa), biex is-sistema tat-taxxa tkun aktar effiċjenti. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li għandu jkun hemm koordinazzjoni u kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri fit-tfassil ta’ politika tat-tassazzjoni li tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ġusti fis-Suq Uniku. Il-KESE jappoġġja wkoll lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi u d-deliberazzjonijiet tagħha biex jintlaħaq kunsens dwar il-BKKTK u biex tingħata ħarsa ġenerali dwar l-allokazzjoni tal-profitti bejn l-Istati Membri. Kif iddikjarat fl-Opinjoni (3) preċedenti u ddikjarat mill-ġdid fil-pubblikazzjoni tal-KESE “Taxation – The views of organised civil society” (Tassazzjoni – Il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata), il-KESE jiddikjara li l-politika tat-tassazzjoni b’mod ġenerali u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa b’mod partikolari għandhom jibqgħu prijorità għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss. F’din il-linja, il-KESE jappoġġja dibattitu dwar il-bidla gradwali lejn il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata u l-proċedura leġislattiva ordinarja fi kwistjonijiet ta’ taxxa, filwaqt li jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha għandhom f’kull ħin ikollhom biżżejjed possibbiltajiet biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.14.

Il-KESE kemm-il darba nnota li l-ħtieġa li jiġi kkultivat u mtejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku, kif ukoll li ambjent ta’ kwalità tan-negozju jibqa’ fundamentali biex jinħolqu u jiġu żgurati kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta. Din il-problema tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ attivitajiet u miżuri fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

3.15.

Il-KESE huwa konxju ħafna li l-isfidi strutturali enormi tal-ekonomija Ewropea għandhom impatti u konsegwenzi soċjali inevitabbli. Il-garanzija u t-trawwim tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ ħiliet professjonali ġodda, kif ukoll l-istabbiliment ta’ mezzi għaċ-ċaqliq bejn il-professjonijiet u anke l-iżgurar ta’ protezzjoni soċjali effettiva u adegwata huma essenzjali biex jingħelbu dawn l-isfidi. Il-KESE jemmen li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa pjattaforma xierqa għal dan il-għan u jaqbel li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu inkorporati fil-liġi tal-UE.

3.16.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar id-diskrepanza bejn ir-ritmu tal-innovazzjoni fis-settur finanzjarju u l-kapaċità tas-sistemi regolatorji biex jadattaw fil-forma ta’ regoli u protezzjoni. Is-settur tas-servizzi tal-kreditu tradizzjonali jidher li huwa mħares sew mir-regoli dejjem aktar stretti, minkejja li dawn jirrikjedu spejjeż ta’ konformità għolja, filwaqt li l-ambjent tan-negozju spiss ikollu bżonn għodod aktar flessibbli u aċċessibbli. F’dan is-sens, l-Unjoni Bankarja u ż-żona tal-euro huma ekosistema importanti, iżda madankollu nistennew li jkun hemm sistemi regolatorji u regoli aktar effettivi biex jagħtu spinta lill-investiment madwar is-Suq Uniku kollu u biex jeliminaw l-ostakli sabiex is-swieq finanzjarji u l-operazzjonijiet tagħhom ma jibqgħux limitati ħafna mill-fruntieri nazzjonali.

3.17.

Il-KESE jirrimarka li, fi tmiem it-tieni deċennju tas-seklu 21, il-proċess tal-istabbiliment ta’ unjoni finanzjarja (jiġifieri l-integrazzjoni tal-Unjoni Bankarja mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali) u Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu mhux komplut. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar b’mod partikolari fil-qasam tal-unjoni ekonomika, fejn l-istrument tas-Semestru Ewropew u t-titjib kontinwu ta’ dan l-istrument urew bla dubju s-siwi tiegħu. Fl-istess ħin, huwa jinnota bi tħassib li, fil-każ tal-unjoni monetarja (kemm mill-perspettiva ta’ dawk l-Istati Membri li għadhom barra miż-żona tal-euro, kif ukoll fir-rigward tal-progress dwar ir-rappreżentanza esterna u l-amministrazzjoni taż-żona tal-euro), u fil-każ tal-unjoni finanzjarja, ma sar l-ebda progress tanġibbli f’dawn l-aħħar xhur. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li r-reżiljenza u r-robustezza tas-settur finanzjarju taż-żona tal-euro żdiedu, u jappoġġja miżuri li jimmitigaw id-dgħufijiet li fadal. Huwa jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) u jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tal-qafas superviżorju u regolatorju Ewropew, inklużi miżuri dwar il-ħasil tal-flus.

3.18.

Bil-ħsieb li jissaħħaħ ukoll il-pilastru politiku tal-UEM, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-involviment tal-imsieħba soċjali fir-riformi li jkopru l-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, li jqishom bħala essenzjali biex isaħħu s-sjieda u jappoġġjaw l-implimentazzjoni tar-riformi. Fuq kollox, madankollu, l-appoġġ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili inġenerali huwa kruċjali għall-bilanċ bejn il-pilastri finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u politiċi tal-UEM.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jemmen li huwa inevitabbli li d-dimensjoni ekoloġika u r-ramifikazzjonijiet soċjali tagħha jiġu inkorporati fis-sistema ekonomika u fl-imġiba ta’ kuljum tal-atturi ekonomiċi u ta’ dawk li jfasslu u jimplimentaw il-politiki.

4.2.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jintrabat mad-dimensjoni soċjali. Filwaqt li jeħtieġ nindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima, irridu wkoll nippromovu tkabbir inklużiv, intejbu l-adattabilità ekonomika, innaqqsu l-inugwaljanzi, niksbu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ħaddiema kollha, insaħħu s-sistemi edukattivi għat-taħriġ tal-ħaddiema u nindirizzaw il-kwistjonijiet tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inklużjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Madankollu, dan għandu jiġi fformalizzat aktar.

4.3.

Il-KESE jinnota b’interess kbir il-proposta biex jiġu introdotti l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, japprezza t-twaqqif ta’ miri għal dawn u jilqa’ bi pjaċir il-miżuri proposti għalihom, bħaż-żieda fl-infiq mill-baġit tal-UE għal inizjattivi klimatiċi u ambjentali. Madankollu, iżid jgħid li l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli mhux se jkun biżżejjed. Filwaqt li l-pjan huwa mistenni li jiġbor investimenti ta’ madwar EUR 100 biljun fis-sena, il-Kummissjoni Ewropea tistma li huma meħtieġa madwar EUR 260 biljun fis-sena f’investiment addizzjonali biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għall-2030. Fid-dawl ta’ dan, b’mod partikolari bħala l-qofol tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta inġenerali, għandu jissaħħaħ il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. L-Opinjonijiet li l-KESE mistenni jippreżenta dwar dawn l-inizjattivi ser jipprovdu evalwazzjoni aktar dettaljata.

4.4.

Il-KESE jipproponi li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jitqies bħala pjattaforma li tippromovi l-valur miżjud Ewropew konġunt, il-ħtiġijiet u l-interessi komuni u l-koinvestiment, li d-dħul minnu se jkun ta’ benefiċċju għall-UE kollha u għaż-żona tal-euro, aktar milli għal atturi individwali biss.

4.5.

Mill-perspettiva tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, huwa importanti ħafna li jkun hemm approċċ bilanċjat madwar l-UE u ż-żona tal-euro. Il-KESE jqis li dan il-parametru huwa essenzjali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-konverġenza kontinwa u l-istabbiltà makroekonomika.

4.6.

Il-KESE jirrikonoxxi li, għas-sostenibbiltà fiskali, huwa importanti ħafna l-funzjonament prudenti u proċeduralment invjolabbli tal-mekkaniżmi fiskali nazzjonali. Dan jista’ jinkludi pereżempju, fuq in-naħa tad-dħul, l-ġustizzja u t-trasparenza tas-sistemi fiskali u l-konformità tat-taxxa, u fuq in-naħa tal-infiq, li jiġu stabbiliti regoli xierqa għall-akkwist pubbliku u li jiġu applikati kriterji li jistabbilixxu u jkejlu l-effettività u l-kwalità tal-infiq pubbliku.

4.7.

Il-KESE jirrakkomanda li – bħala parti mit-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku u r-rabtiet tiegħu mas-Semestru Ewropew permezz ta’ enfasi speċifika fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, konsistenza mal-baġit tal-UE u adeżjoni stretta mal-impenji li jirriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet – għandha ssir valutazzjoni sistematika tal-benefiċċji ta’ dawn l-attivitajiet f’termini ta’ kisba ta’ kapaċità fiskali, tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa inġenerali u titjib tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali.

4.8.

M’għandniex inkunu interessati biss fid-dejn pubbliku, iżda wkoll fil-protezzjoni tal-ġid pubbliku. Mhuwiex biss it-tibdil fil-klima li jeħtieġ riżorsi sinifikanti. Wara waqfien fil-volum tal-investiment pubbliku, huwa kruċjali li tingħata spinta lill-investiment fl-infrastruttura pubblika (pereżempju fid-diġitalizzazzjoni), li mhux biss ikun ta’ appoġġ għat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu qasir iżda jiżgura wkoll kapaċità ta’ produzzjoni fit-tul għall-prosperità u l-kompetittività futuri. Skont l-argumenti tal-Kummissjoni Ewropea, il-politika fiskali tirrikjedi komplementarjetà mal-pożizzjoni monetarja tal-BĊE. L-adozzjoni tar-regola ta’ baġit bilanċjat (regola tad-deheb) tal-politika fiskali għall-investiment pubbliku tista’ tqanqal u tistimula aktar tkabbir fl-investiment pubbliku għal dan il-għan, sakemm tinżamm id-dixxiplina fiskali.

4.9.

Sabiex jiġu mtejba l-elastiċità u r-reżiljenza taż-żona tal-euro kontra l-iskossi ekonomiċi, għandu jiġi introdott strument biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ tali skossi u biex dawn ikunu preparati aħjar, fuq bażi preventiva, biex ikunu jifilħu għalihom. Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ kemm l-istrument propost tal-BICC (4) (strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro) kif ukoll il-ftehim dwar ir-rwol imsaħħaħ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Fl-istess ħin, il-KESE jwissi dwar ir-riskju meta jiġi mfixkel il-bilanċ bejn il-pilastri ewlenin (ara hawn fuq) li fuqhom hija mibnija l-UEM. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-istrumenti ta’ stabbilizzazzjoni, il-KESE jappoġġja d-demokratizzazzjoni permezz ta’ involviment akbar tal-Parlament Ewropew u tal-imsieħba soċjali fi ħdan il-pilastru politiku tal-UEM, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-SDGs.

Brussell, id-19 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 47, 11.2.2020, p.106; ĠU C 353, 18.10.2019, p. 32.

(2)  Dawn il-kwistjonijiet kienu reċentament il-fokus tal-Opinjonijiet tal-KESE ĠU C 47, 11.2.2020, p. 106, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 131, ĠU C 282, 20.8.2019, p. 20.

(3)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 47, 11.2.2020, p. 1.


ANNESS

Il-punt li ġej tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġie modifikat biex jirrifletti l-emenda adottata mill-assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

3.13.

Il-KESE jinsab konvint li hemm lok għal aktar riflessjoni dwar ir-rilevanza u s-sostenibbiltà tal-parametri eżistenti tas-sistema tat-taxxa. Iż-żona tal-euro hija kkaratterizzata minn piż tat-taxxa relattivament għoli, li huwa wkoll inklinat lejn it-tassazzjoni fuq ix-xogħol. Fl-istess ħin, it-taxxi ambjentali u tal-proprjetà ġeneralment jikkostitwixxu ftit wisq mit-taxxa globali. Il-KESE għalhekk jinnota l-ħtieġa li jiddaħħlu forom ta’ tassazzjoni li jtaffu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol filwaqt li jżiduh, pereżempju, fuq l-ispekulazzjoni. Huwa jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ tassazzjoni ġusta, b’mod partikolari fir-rigward ta’ forom ġodda tal-ekonomija diġitali, fejn il-kapital huwa kkonċentrat aktar fuq l-estrazzjoni ta’ valur milli fuq il-produzzjoni ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi. Fil-ġejjieni, it-taxxi ambjentali jistgħu jkunu strument importanti biex jixprunaw imġiba aktar ekoloġika min-naħa tal-konsumatur u tal-produttur, mingħajr ma jintlaqtu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku. Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li kwalunkwe tibdil fis-sistemi tat-taxxa jrid jevita li jkompli jaggrava d-distribuzzjoni ferm inklinata tad-dħul u l-ġid. Il-KESE jitlob li jitkomplew u jissaħħu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (ippjanar aggressiv tat-taxxa), biex is-sistema tat-taxxa tkun aktar effiċjenti. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li għandu jkun hemm koordinazzjoni u kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri fit-tfassil ta’ politika tat-tassazzjoni li tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ġusti fis-Suq Uniku. Il-KESE jappoġġja wkoll lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi u d-deliberazzjonijiet tagħha biex jintlaħaq kunsens dwar il-BKKTK u biex tingħata ħarsa ġenerali dwar l-allokazzjoni tal-profitti bejn l-Istati Membri. Il-KESE, filwaqt li jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, iqis li huwa importanti li tiġi implimentata gradwalment u li jintlaħaq kunsens wiesa’ dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha.

Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:

Favur:

80

Kontra:

48

Astensjonijiet:

21