ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 115

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
7 ta' April 2020


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 115/01

Rata tal-kambju tal-euro — Is-6 ta' April 2020

1


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 115/02

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9753 — Hexcel/Woodward) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

2

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 115/03

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

4

2020/C 115/04

Avviż lill-impriżi li biħsiebhom jimportaw jew jesportaw sustanzi kkontrollati li jnaqqsu s-saff tal-ożonu lejn jew mill-Unjoni Ewropea fl-2021 u lill-impriżi li fl-2021 biħsiebhom jipproduċu jew jimportaw dawn is-sustanzi għal użi essenzjali fil-laboratorju u użi analitiċi

14

2020/C 115/05

Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

16

2020/C 115/06

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

21


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-6 ta' April 2020

(2020/C 115/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,0791

JPY

Yen Ġappuniż

117,54

DKK

Krona Daniża

7,4660

GBP

Lira Sterlina

0,87800

SEK

Krona Żvediża

10,9788

CHF

Frank Żvizzeru

1,0560

ISK

Krona Iżlandiża

155,50

NOK

Krona Norveġiża

11,3875

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,603

HUF

Forint Ungeriż

365,24

PLN

Zloty Pollakk

4,5643

RON

Leu Rumen

4,8335

TRY

Lira Turka

7,3136

AUD

Dollaru Awstraljan

1,7790

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5280

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,3651

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,8200

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5480

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 326,04

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

20,3534

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,6519

HRK

Kuna Kroata

7,6255

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 710,73

MYR

Ringgit Malażjan

4,7097

PHP

Peso Filippin

54,667

RUB

Rouble Russu

82,4810

THB

Baht Tajlandiż

35,459

BRL

Real Brażiljan

5,7056

MXN

Peso Messikan

27,0896

INR

Rupi Indjan

82,1060


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/2


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9753 — Hexcel/Woodward)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 115/02)

1.   

Fis-27 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 u wara referenza skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Hexcel Corporation (“Hexcel”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Woodward, Inc. (“Woodward”, l-Istati Uniti tal-Amerka).

Hexcel tidħol f’amalgamazzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 3(1a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ma’ Woodward.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Hexcel: l-iżvilupp, il-manifattura u l-provvista ta’ materjali strutturali ħfief u ta’ prestazzjoni għolja, inklużi fibres tal-karbonju, rinforzi ta’ speċjalità, “prepregs”, u materjali oħra matrix rinforzati bil-fibre, adeżivi u strutturi kompożiti, għall-użu fl-ajruspazju kummerċjali, l-ispazju u d-difiża, u f’setturi oħra industrijali,

Woodward: id-disinn, il-manifattura, il-provvista u l-manutenzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ kontroll għas-settur ajruspazjali u għal setturi oħra industrijali.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9753 — Hexcel/Woodward

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/4


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2020/C 115/03)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“GAILLAC”

PDO-FR-A0502-AM03

Data tal-komunikazzjoni: 19.12.2019

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Referenza għall-kodiċi ġeografiku uffiċjali

Fil-punt IV(1)(a) u (b) tal-Kapitlu 1, jiżdied il-kliem “abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali għas-sena 2019” wara “Tarn”.

Iż-żona ġeografika ġiet elenkata skont il-verżjoni fis-seħħ tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali, ippubblikat kull sena mill-INSEE. Il-perimetru taż-żona ġeografika baqa’ strettament l-istess.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

2.   Bidla editorjali

Fil-punt IV(1)(b) tal-Kapitlu 1, jiżdied il-komun “Bellegarde-Marsal” u jitħassru l-komuni “Bellegarde” u “Marsal”.

Din il-bidla tikkorrispondi għall-fużjoni taż-żewġ komuni. Iż-żona ġeografika ma ġietx emendata.

Għalhekk il-punt 6 tad-Dokument Uniku huwa emendat skont dan.

3.   Iż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata

Fil-punt IV(2) tal-Kapitlu 1, il-kliem “u 18-19 ta’ Ġunju 2019” jiżdied wara “6 ta’ Novembru 2014”.

Din l-emenda għandha l-għan li żżid id-dati ta’ approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ emenda taż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata fi ħdan iż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ tar-raba’ fi ħdan iż-żona ġeografika tal-produzzjoni li huma tajbin għall-produzzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta kkonċernata.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

4.   Ċirkolazzjoni bejn depożitanti awtorizzati

Il-punt IX(5)(b) tal-Kapitlu 1 dwar id-data tal-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed bejn id-depożitanti awtorizzati huwa mħassar.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

5.   Miżura tranżitorja

Il-punt XI(4) tal-Kapitlu 1 huwa mħassar.

Din il-bidla tikkorrispondi għat-tneħħija ta’ miżura tranżitorja li skadiet.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

6.   Referenza INAO

Fil-Kapitlu 3(II) il-komun “Montreuil sous-bois” ġiet sostitwita bil-komun “Montreuil”.

Din l-emenda għandha l-għan li tqis il-bidla fl-isem tal-komun.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din il-bidla.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem tal-prodott

Gaillac

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP — Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

5.

Inbid frizzanti ta’ kwalità

6.

Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbejjed bojod mhux frizzanti

L-inbejjed bojod mhux frizzanti għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 10,5 %.

Fihom (lottijiet kummerċjalizzati bl-ingrossa jew ippakkjati) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ≤ 4 g/L.

Wara l-arrikkiment, dawn l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu qawwa alkoħolika totali ta’ 13 % tal-volum.

Dawn l-inbejjed huma kkaratterizzati minn aromi tal-frott u tal-fjuri u aċidità moderata. Huma eliġibbli għat-tikketta “primeur”, għalhekk jiġu magħmula nbid biex jiġi kkunsmat malajr fix-xhur ta’ wara l-iżvilupp tagħhom.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Inbejjed bojod mhux frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “doux” (ħelu)

L-inbejjed bojod mhux frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “doux” għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 12,5 %.

Għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≥ 45 g/L (lottijiet kummerċjalizzati bl-ingrossa jew ippakkjati).

Wara l-arrikkiment, dawn l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu qawwa alkoħolika massima totali ta’ 15 % tal-volum.

Dawn l-inbejjed spiss jiżviluppaw aromi ta’ tuffieħ misjur, lanġas u frott eżotiku, u jistgħu jinżammu sa 5 snin.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

10

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Inbejjed bojod mhux frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives” (maqtugħ tard)

L-inbejjed bojod mhux frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives” għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 17 % tal-volum.

Fihom (lottijiet ippakkjati) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≥ 100 g/L.

Dawn l-inbejjed jiżviluppaw aromi ta’ frott imnixxef jew frott fil-konfettura, jew aromi ta’ għasel. Il-bilanċ bejn l-aċidità, l-alkoħol u l-fluwidità jagħmilha possibbli li l-inbejjed isiru aktar kumplessi matul is-snin.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

11

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Inbejjed ħomor mhux frizzanti

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 11 % tal-volum.

L-inbejjed li jgwadu l-indikazzjoni “primeur” għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 10,5 % tal-volum.

L-inbejjed b’qawwa alkoħolika proprja minima ta’ ≤ 14 % fihom (lottijiet kummerċjalizzati bl-ingrossa jew ippakkjati) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≤ 2,5 g/L.

L-inbejjed b’qawwa alkoħolika proprja minima ta’ > 14 % fihom (lottijiet kummerċjalizzati bl-ingrossa jew ippakkjati) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≤ 4 g/L.

L-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “primeur” għandhom (lottijiet ippakkjati) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≤ 2 g/L.

Għal-lottijiet ta’ nbejjed lesti għall-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa jew ippakkjati, il-kontenut ta’ aċidu maliku huwa ta’ ≤ 0,4 g/L.

Għal-lottijiet ta’ nbejjed ikkummerċjalizzati bl-ingrossa li jistgħu jgawdu l-indikazzjoni “primeur”, il-kontenut ta’ aċidu volatili huwa ta’ ≤ 10,2 meq/L.

Wara l-arrikkiment l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu qawwa alkoħolika totali ta’ 13,5 % tal-volum.

Wara l-arrikkiment, l-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “primeur” ma għandhomx jaqbżu qawwa alkoħolika totali ta’ 13 % tal-volum.

L-inbejjed ħafna drabi huma kkaratterizzati minn aromi ta’ frott aħmar u pikkanti fil-ħalq. It-tannini huma preżenti u jipprovdu struttura u togħma matura lill-proċess tal-maturazzjoni. Huma pjaċevoli biex jinxtorbu qabel jimmaturaw u għandhom ukoll kapaċità tajba għall-maturazzjoni.

L-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “primeur” huma nbejjed ibbilanċjati, ikkaratterizzati minn aromi ta’ frott, li jikkombinaw id-delikatezza u l-finezza aromatika, u huma prodotti esklussivament minn Gamay N.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

L-inbejjed rożè mhux frizzanti

L-inbejjed rożè mhux frizzanti għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 11 % tal-volum.

Fihom (lottijiet kummerċjalizzati bl-ingrossa jew ippakkjati) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ≤ 4 g/L.

Wara l-arrikkiment l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu qawwa alkoħolika minima ta’ 13,5 % tal-volum.

L-inbejjed rożè joffru kulur aħmar ċirasa xi ftit jew wisq sostnut. Jiżvelaw aromi tal-frott u freskezza pjaċevoli.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Inbid frizzanti

L-inbejjed frizzanti għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 9 % tal-volum.

L-inbejjed frizzanti żviluppati mit-tieni fermentazzjoni fil-flixkun għandhom (wara li r-ragħwa tkun ifformat u, fejn xieraq, ikun żdied il-likur ta’ spedizzjoni) kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ < 50 g/L.

Fil-każ tal-arrikkiment tal-most, l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu l-qawwa alkoħolika totali ta’ 13 % tal-volum.

L-inbejjed frizzanti żviluppati mit-tieni fermentazzjoni fil-flixkun huma bbażati fuq struttura ta’ aċidu dominanti li tagħti lill-inbejjed il-freskezza u l-finezza kollha tagħhom. Din l-aċidità hija akkumpanjata minn ħjiel ta’ frott.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Inbejjed frizzanti bl-indikazzjoni “méthode ancestrale” (metodu tal-antenati)

L-inbejjed frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “méthode ancestrale” huma nbejjed frizzanti aromatiċi ta’ kwalità.

L-inbejjed frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “méthode ancestrale” għandhom bżieżaq fini u ragħwa abbondanti. Huma rikki fl-aromi li jistgħu jfakkru fit-tuffieħ, karatteristika tal-varjetà Mauzac B.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

8

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Inbejjed frizzanti bl-indikazzjoni “doux”

L-inbejjed frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “doux” għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 11 % tal-volum.

Wara li tiġi ffurmata r-rawgħa, għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ ≥ 50 g/L u kontenut ta’ diossidu tal-kubrit ħieles ta’ mhux aktar minn 25 mg/L.

Fil-każ tal-arrikkiment tal-most, l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu l-qawwa alkoħolika totali ta’ 14 % tal-volum.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

7

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit totali massimu (f’milligrammi għal kull litru)

25

Il-karatteristiċi analitiċi li ma ngħatawx isegwu l-leġiżlazzjoni Komunitarja.

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

Densità u spazju bejn id-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-dwieli għandhom densità minima ta’ 4 000 dielja f’kull ettaru, bi spazju ta’ mhux aktar minn 2,5 metri bejn ir-ringieli.

L-ispazju bejn il-pjanti fl-istess ringiela huwa 0,8 metri jew aktar.

Għad-dwieli f’forma ta’ sġajriet, l-ispazju bejn ir-ringieli għandu jkun tkun ta’ massimu ta’ 2,2 metri.

Għad-dwieli mħawla fuq terrazzi, l-erja għal kull pjanta hija inqas minn jew ugwali għal 2,5 metri kwadri.

Regoli dwar iż-żbir tad-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-dwieli jinżabru:

jew f’daqs qasir (f’forma ta’ sġajriet, jew bil-metodu Cordon de Royat), jew f’daqs ta’ Guyot sempliċi, b’massimu ta’ 12-il blanzun għal kull pjanta;

jew f’daqs ta’ Guyot doppju (li jissejjaħ “tirette”), b’massimu ta’ 10 blanzuni għal kull pjanta.

Tkun xi tkun it-teknika taż-żabra, in-numru ta’ fergħat li jagħmlu l-frott tas-sena għal kull pjanta, wara l-fjur (l-istadju fenoloġiku 23 ta’ Lorenz), hu inqas minn jew ugwali għal 10.

Tisqija

Prattika tal-kultivazzjoni

It-tisqija tista’ tiġi awtorizzata.

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħsad

Prattika tal-kultivazzjoni

L-inbejjed ħomor li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “primeur” u l-inbejjed frizzanti li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “méthode ancestrale” huma magħmula minn għeneb maqtugħ bl-idejn.

L-inbejjed li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “vendanges tardives” huma magħmula minn għeneb maqtugħ bl-idejn minn selezzjonijiet suċċessivi.

Dispożizzjonijiet speċifiċi għat-trasport tal-għeneb maqtugħ

Prattika tal-kultivazzjoni

Il-kontenituri tal-ħsad għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “primeur”, u tal-nbejjed frizzanti li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “méthode ancestrale”, fihom dwieli ta’ għoli ta’ mhux aktar minn 0,60 metri matul it-trasport ta’ dak il-ħsad mill-vinja għall-bini tal-produzzjoni tal-inbid.

L-użu tal-faħam enoloġiku

Restrizzjoni għall-produzzjoni

L-użu tal-faħam għal skopijiet enoloġiċi għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè huwa pprojbit, kemm jekk waħdu kif ukoll jekk imħallat fi preparazzjonijiet.

Arrikkiment

Prattika enoloġika speċifika

It-tekniki ta’ arrikkiment imnaqqas huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor, u r-rata massima ta’ konċentrazzjoni parzjali meta mqabbla mal-volumi użati hija stabbilita għal 10 %.

Wara l-arrikkiment, l-inbejjed ma għandhomx jaqbżu l-qawwa alkoħolika totali, skont il-volum, ta’:

13 % għall-inbejjed bojod mhux frizzanti

13 % għall-inbejjed frizzanti (f’każ ta’ arrikkiment tal-most)

13 % għall-inbejjed ħomor li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “primeur”

13,5 % għall-inbejjed ħomor u rożè

14 % għall-inbejjed frizzanti li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “doux” (f’każ ta’ arrikkiment tal-most)

15 % għall-inbejjed bojod mhux frizzanti li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “doux”.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Inbejjed bojod mhux frizzanti u inbejjed frizzanti

72 ettolitru għal kull ettaru

L-inbejjed bojod mhux frizzanti bl-indikazzjoni “doux” u inbejjed frizzanti bl-indikazzjoni “doux”

54 ettolitru għal kull ettaru

Inbejjed bojod mhux frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives” (maqtugħ tard)

25 ettolitru għal kull ettaru

Inbejjed ħomor u rożè mhux frizzanti

66 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-qtugħ tal-għeneb, il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-inbid abjad mhux frizzanti; il-qtugħ tal-għeneb, il-produzzjoni, l-iżvilupp, il-maturazzjoni u l-ippakkjar tal-inbejjed frizzanti u l-inbejjed bojod mhux frizzanti li jista’ jkollhom l-indikazzjoni “vendanges tardives”, huma assigurati li jsiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Tarn: Alos, Amarens, Andillac, Aussac, Bernac, Bournazel, Brens, Broze, Busque, Les Cabannes, Cadalen, Cahuzac-sur-Vère, Campagnac, Carlus, Castanet, Castelnau-de-Lévis, Castelnau-de-Montmiral, Cestayrols, Combefa, Cordes-sur-Ciel, Coufouleux, Donnazac, Fayssac, Fénols, Florentin, Frausseilles, Gaillac, Giroussens, Itzac, Labastide-de-Lévis, Labessière-Candeil, Lagrave, Larroque, Lasgraisses, Lisle-sur-Tarn, Livers-Cazelles, Loubers, Loupiac, Milhavet, Montans, Montels, Mouzieys-Panens, Noailles, Parisot, Peyrole, Puycelci, Rabastens, Rivières, Rouffiac, Saint-Beauzile, Saint-Marcel-Campes, Saint-Sulpice, Sainte-Cécile-du-Cayrou, Sainte-Croix, Salvagnac, Senouillac, Souel, Técou, Tonnac, Le Verdier, Vieux, Villeneuve-sur-Vère, Vindrac-Alayrac, Virac.

Il-qtugħ tal-għeneb, il-produzzjoni, l-iżvilupp tal-inbejjed rożè; il-qtugħ tal-għeneb, il-produzzjoni, l-iżvilupp u l-maturazzjoni tal-inbejjed ħomor huma assigurati li jsiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Tarn: Alos, Amarens, Andillac, Arthès, Aussac, Bellegarde-Marsal, Bernac, Bournazel, Brens, Broze, Busque, Les Cabannes, Cadalen, Cahuzac-sur-Vère, Cambon, Campagnac, Carlus, Castanet, Castelnau-de-Lévis, Castelnau-de-Montmiral, Cestayrols, Combefa, Cordes-sur-Ciel, Coufouleux, Cunac, Donnazac, Fayssac, Fénols, Florentin, Frausseilles, Fréjairolles, Gaillac, Giroussens, Itzac, Labastide-de-Lévis, Labessière-Candeil, Lagrave, Larroque, Lasgraisses, Lisle-sur-Tarn, Livers-Cazelles, Loubers, Loupiac, Milhavet, Montans, Montels, Mouzieys-Panens, Mouzieys-Teulet, Noailles, Parisot, Peyrole, Puycelci, Rabastens, Rivières, Rouffiac, Saint-Beauzile, Saint-Grégoire, Saint-Juéry, Saint-Marcel-Campes, Saint-Sulpice, Sainte-Cécile-du-Cayrou, Sainte-Croix, Salvagnac, Senouillac, Souel, Técou, Tonnac, Le Verdier, Vieux, Villeneuve-sur-Vère, Vindrac-Alayrac, Virac.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Fer N - Fer Servadou, Braucol, Mansois, Pinenc

Len de l’El B - Loin de l’Oeil

Ondenc B

Prunelard N

Syrah N - Shiraz

Muscaddolle B

Mauzac B

Duras N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Inbejjed mhux frizzanti

Il-klima oċeanika tipprovdi kuntest favorevoli għat-tkabbir tad-dwieli fir-rebbiegħa, u twassal għal xitwa moderata li tillimita r-riskji ta’ ġlata qalila. L-influwenza Mediterranja fil-forma ta’ sħana xotta fis-sajf u l-ħarifa tiffavorixxi maturazzjoni regolari u ottimali tal-għeneb, bi stress moderat tal-ilma fis-sajf. Ir-riħ ta’ Autan, sħun u xott, normalment ta’ intensità għolja, għandu rwol importanti matul iċ-ċiklu tat-tkabbir tad-dwieli, b’mod partikolari billi jħaffef il-ftuħ, il-fjur u l-maturazzjoni. Fil-bidu tal-ħarifa, dan jista’ jonfoħ ħafna, bl-influwenza sħuna u xotta tiegħu tiffavorixxi mbagħad il-maturazzjoni tal-għeneb, u tillimita l-iżvilupp ta’ mard. Minn nofs Settembru, l-alternanza ta’ ljieli friski u ta’ spiss umdi u ġranet sħan għandha twassal għall-installazzjoni tal-Botrytis cinerea u tat-“taħsir nobbli” fuq irqajja’ li għadhom ma nħasdux. Fil-bidu tal-ħarifa, ir-riħ ta’ Autan jista’ jonfoħ ħafna. L-għenbiet li jkunu għadhom ma nqatgħux jesperjenzaw konċentrazzjoni rapida ta’ zokkor u aċidi. Dan l-għeneb, li sar iżżejjed u li fuq id-dwieli għandu konċentrazzjoni permezz ta’ tqaddid naturali mir-riħ ta’ Autan jew permezz tal-azzjoni ta’ “taħsir nobbli”, jinqata’ bl-idejn b’selezzjonijiet suċċessivi, fi stadju tard meta mqabbel mal-ħsad għall-inbejjed bojod ħelwin. Huma fl-oriġini tal-produzzjoni tal-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives”.

Il-wasla fit-tard tal-ewwel temp kiesaħ tippermetti proċess tajjeb ta’ linjifikazzjoni tal-injam.

Billi tirrifletti l-użi u l-għarfien tal-ambjent, iż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata adattata għal kull unità ġeografika tiffavorixxi ħamrija li minnha jgħaddi l-ilma sew u li tisħon faċilment, minbarra sitwazzjonijiet ta’ kesħa u ta’ ġlata u l-aktar art fertili.

Il-varjetajiet Mauzac B u Mauzac rose B, li joriġinaw f’Gaillac, f’dawn is-sitwazzjonijiet jesprimu l-kapaċitajiet tagħhom li jipproduċu nbejjed mhux frizzanti bojod u xotti. Dawn jagħtu nbejjed teneri b’aċidità baxxa, u aromi pjaċevoli tat-tuffieħ. Fuq l-għoljiet esposti sew, meta jkun sar iżżejjed l-għeneb, jista’ jkollu rikkezza kbira ta’ zokkor.

Il-varjetà tal-għeneb Len de l’el B ukoll ġejja minn Gaillac; il-preżenza tiegħu ma tidhirx f’vinji oħra. Din tagħti l-finezza u r-riħa karatteristika lill-inbejjed bojod, u tikkostitwixxi l-varjetà ewlenija tal-għeneb sabiex jiġi prodott ħsad tard. Fil-fatt, l-għeneb tagħha jista’ jkollu konċentrazzjoni sinifikanti minħabba t-tqaddid naturali taħt l-azzjoni tar-riħ ta’ Autan jew bl-azzjoni ta’ taħsir nobbli; dan ikun il-każ għar-reġjuni naturali kollha li jiffurmaw iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni. Il-varjetajiet tal-għeneb maħsuba għall-produzzjoni ta’ nbejjed bojod huma supplimentati mill-varjetà Ondenc B, varjetà li qabel kienet tintuża ħafna fil-Lbiċ ta’ Franza iżda li baqgħet tippersisti biss fil-vinja tal-“Gaillac”, għat-togħma pjaċevoli tagħha u l-kapaċità li tikkonċentra fuq id-dwieli.

Il-varjetajiet tal-għeneb maħsuba għall-produzzjoni ta’ nbejjed ħomor u rożè jiffavorixxu wkoll il-varjetajiet ta’ għeneb oriġinali u lokali jew reġjonali, bħall-varjetà Duras N, li x’aktarx toriġina fil-Gaillac u tinsab kważi esklussivament f’din il-vinja, bħall-varjetà Fer N, li toriġina fil-Lbiċ ta’ Franza, jew il-varjetà Prunelard N, varjetà ta’ Gaillac imsemmija minn Dr Guyot fl-1868, li l-kultivazzjoni tagħha ġiet abbandunata matul is-seklu 20, u li ġiet riabilitata fl-aħħar tas-snin disgħin.

Ir-rikkezza tal-vinja ta’ “Gaillac” tinsab fil-pożizzjoni tagħha bħala żona fejn jingħaqdu l-impatti klimatiċi u d-diversità tas-sitwazzjonijiet ġeopedoloġiċi. Bħala art ta’ tranżitu, iż-żona ġeografika saret art fejn jinġabru varjetajiet ta’ għeneb oriġinali u essenzjalment indiġeni, li ġew magħżula u ppreżervati matul il-ġenerazzjonijiet, u li għandhom niċċa ekoloġika ta’ predilezzjoni f’dan l-ambjent naturali. Il-produtturi akkwistaw ħakma tajba ta’ din il-varjetà tal-għeneb billi adattaw l-għarfien tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ metodi ta’ żbir u ta’ rbit li jippermettu li l-għenieqed ikunu mqassma b’mod tajjeb u b’hekk ikunu jistgħu jippreżervaw il-kultivazzjoni tad-dwieli.

L-għarfien tagħhom huwa espress ukoll fil-ħakma ta’ tekniki li jippermettulhom jisiltu l-aħjar għeneb, billi jadattaw it-tekniki tal-produzzjoni tal-inbid tagħhom jew billi jagħmluhom permanenti. Ġie impost perjodu li matulu l-inbejjed ħomor jiġu mmaturati, wara l-fermentazzjoni, sabiex jinkiseb inbid b’aromi aktar kumplessi, iżda fuq kollox, sabiex it-tannini jirtabu u jirfinaw, b’mod partikolari b’varjetajiet oriġinali iżda rustiċi. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie speċifikat perjodu minimu ta’ maturazzjoni sal-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

L-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives” huma soġġetti għal maturazzjoni mill-inqas sal-15 ta’ Mejju tat-tieni sena wara dik tal-ħsad, li minnha mill-inqas xahrejn għandhom ikunu fi fliexken. Dan il-perjodu twil ta’ maturazzjoni jippromwovi l-bilanċ tal-inbejjed u jiżviluppa l-kumplessità aromatika tagħhom. Sabiex jiġu ppreżervati dawn il-karatteristiċi u l-ispeċifiċità tal-prodott, u b’hekk ir-reputazzjoni tiegħu, l-ippakkjar ta’ dawn l-inbejjed isir fiż-żona ġeografika. L-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives” huma soġġetti għal kontrolli sistematiċi fuq il-lottijiet kollha fi tmiem il-perjodu tal-maturazzjoni fiż-żona ġeografika.

Inbid frizzanti

Tul il-ġenerazzjonijiet, il-produtturi żviluppaw għarfien għall-iżvilupp tal-inbejjed frizzanti skont it-tekniki varji tal-produzzjoni tal-inbid. It-teknika deskritta bħala “méthode ancestrale” hija bbażata fuq il-ħakma tal-proċess tal-fermentazzjoni tal-inbejjed fil-flixkun fil-kantini. Dawn l-inbejjed huma żviluppati esklussivament minn Mauzac B u Mauzac rose Rs, varjetajiet ta’ għeneb magħrufa għall-kapaċità tagħhom li jiffurmaw ħafna ragħwa u għall-finezza tal-bżieżaq miksuba. Fuq l-għoljiet esposti sew, it-tisjir żejjed ta’ dawn il-varjetajiet jippermetti l-iżvilupp tal-inbejjed bojod frizzanti u ħelwin.

Wara li kisbu ħakma ta’ din l-ewwel teknika, il-produtturi żviluppaw il-metodu bit-tieni fermentazzjoni fil-flixkun b’evoluzzjoni lejn prodotti aktar ħarxa u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-oriġinalità territorjali fil-kompożizzjoni tal-cuvées tagħhom. Fl-aħħar nett, il-maturazzjoni twila “sur lattes” tikkontribwixxi għal formazzjoni tajba ta’ ragħwa u għall-iżvilupp tal-kumplessità tal-aromi tal-frott.

L-inbejjed minn din il-vinja, li għandha aktar minn 2 000 sena, kienu esportati permezz tat-Tarn u l-Garonne, kif muri minn traċċi ta’ anfori mill-komun ta’ Montans, u nstabu min-Nofsinhar ta’ Spanja sat-Tramuntana tal-Iskozja. Meta l-Benedittini waqqfu l-Abbazija ta’ Saint-Michel, għażlu l-iktar sitwazzjonijiet favorevoli għall-produzzjoni tal-inbid, użaw għarfien notevoli fl-organizzazzjoni ta’ netwerk kummerċjali fit-Tarn, u ħaffru netwerk importanti ta’ kantini. L-inbid jinżel mit-Tarn, imbagħad il-Garonne, lejn il-port ta’ Bordeaux, u jgħaddi biex jirbaħ lil Franza u t-Tramuntana tal-Ewropa. Fl-1253, intbagħtu 20 bettija tal-inbid tal-“Gaillac” lil Richard III tal-Ingilterra. Il-fama tal-inbejjed tal-Gaillac bdiet tikber. B’hekk, bejn l-1306 u l-1307, snin li għalihom ġew ippreżervati l-kontijiet, in-nies ta’ Gaillac fornew 40 % tal-inbejjed li għaddew minn ġol-baċin tal-Garonne għal Bordeaux biex jiġu esportati.

Mis-sena 1980 ’l hawn, filwaqt li l-erja totali tal-vinja ta’ Tarn naqset, il-proporzjon ta’ volumi prodotti bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Gaillac” żdied. Il-maġġoranza tal-produzzjoni hija kummerċjalizzata fi fliexken. Bis-saħħa tad-dinamiżmu u l-għarfien tagħhom, il-produtturi tal-inbid ta’ Gaillac żammew il-fama u r-reputazzjoni tal-inbejjed ta’ dan ir-reġjun tal-inbid.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Tikkettar

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ “Sud-Ouest”. Din l-unità ġeografika usa’ tista’ tidher ukoll fuq kwalunkwe fuljett jew reċipjent.

Id-daqs tal-ittri għall-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, mid-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta.

Rimarki addizzjonali

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jista’ jkun ikkompletat bir-referenza “méthode ancestrale” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għal din ir-referenza fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jista’ jkun ikkompletat bir-referenza “primeur” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għal din ir-referenza fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-isem tad-Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta huwa kkompletat bir-referenza “doux” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għal din ir-referenza fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jista’ jkun ikkompletat bir-referenza “vendanges tardives” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għal din ir-referenza fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-inbejjed li jibbenefikaw mit-terminu “primeur” u l-inbejjed li jibbenefikaw mit-terminu “vendanges tardives” huma obbligati li jkollhom l-indikazzjoni tas-sena.

Inbejjed frizzanti u nbejjed frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “méthode ancestrale”

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-operazzjonijiet kollha tal-produzzjoni, mill-ħsad tal-għeneb għat-tneħħija jew ir-rimi tad-depożitu, isiru fiż-żona ġeografika.

L-inbejjed frizzanti jiġu żviluppati bit-tieni fermentazzjoni fil-flixkun, u ż-żmien kemm idum tajjeb fil-flixkun fuq il-karfa ma jistax ikun inqas minn 9 xhur.

L-inbejjed frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “méthode ancestrale” għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ fermentazzjoni unika. Din il-fermentazzjoni tibda fil-bettija. Ir-ragħwa ssir biss fi fliexken mill-most parzjalment iffermentat.

Iż-żmien kemm idum tajjeb fil-flixkun fuq il-karfa ma jistax ikun inqas minn xahrejn.

L-inbejjed huma ppakkjati fiż-żona ġeografika fid-dawl tal-proċess tal-iżvilupp permezz ta’ formazzjoni ta’ ragħwa magħmula fi fliexken.

L-inbejjed prodotti permezz tat-tieni fermentazzjoni fil-flixkun għandhom jitqiegħdu fis-suq għall-konsumatur fi tmiem il-perjodu minimu ta’ 9 xhur ta’ ħażna fi fliexken fuq il-karfa wara l-ġbid, u mhux qabel l-1 ta’ Settembru tas-sena wara dik tal-ħsad.

L-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “méthode ancestrale” jitqiegħdu fis-suq għall-konsumatur fi tmiem il-perjodu ta’ xahrejn ta’ ħażna fi fliexken fuq il-karfa.

Inbejjed bojod mhux frizzanti li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives”

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed li jgawdu l-indikazzjoni “vendanges tardives” huma soġġetti għal maturazzjoni mill-inqas sal-15 ta’ Mejju tat-tieni sena wara dik tal-qtugħ, li minnha mill-inqas xahrejn għandhom ikunu fi fliexken. Dan il-perjodu twil ta’ maturazzjoni jippromwovi l-bilanċ tal-inbejjed u jiżviluppa l-kumplessità aromatika tagħhom.

Jiġu ppakkjati fiż-żona ġeografika demarkata u jsirulhom kontrolli sistematiċi fuq il-lottijiet kollha fi tmiem il-perjodu tal-maturazzjoni. Il-produtturi jistabbilixxu huma stess l-għan, minn naħa, ta’ konservazzjoni aħjar tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti li kienu soġġetti għal maturazzjoni twila u li jeħtieġu ħakma tajba ta’ għarfien, u min-naħa l-oħra, permezz ta’ kontrolli mwettqa fir-reġjun tal-produzzjoni li jirrikjedu għarfien espert organolettiku partikolari, li jiggarantixxu u jissalvagwardjaw il-kwalità u l-ispeċifiċità tal-prodotti u, konsegwentement, ir-reputazzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-1d5b3ef7-29eb-4f86-a2bf-d9d8dd9d6274


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/14


Avviż lill-impriżi li biħsiebhom jimportaw jew jesportaw sustanzi kkontrollati li jnaqqsu s-saff tal-ożonu lejn jew mill-Unjoni Ewropea fl-2021 u lill-impriżi li fl-2021 biħsiebhom jipproduċu jew jimportaw dawn is-sustanzi għal użi essenzjali fil-laboratorju u użi analitiċi

(2020/C 115/04)

1.   

Dan l-Avviż huwa indirizzat lill-impriżi li huma kkonċernati mir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1) (ir-Regolament) u li fl-2021 biħsiebhom:

(a)

jimportaw jew jesportaw lejn jew mill-Unjoni Ewropea s-sustanzi elenkati fl-Anness I tar-Regolament, jew

(b)

jipproduċu jew jimportaw dawn is-sustanzi għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi fl-Unjoni Ewropea.

L-impriżi huma mistiedna jinnutaw li l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea jista’ jaffettwa jekk humiex se jiġu affettati fl-2021, u jekk iva, sa liema punt.

Il-Ftehim dwar il-ħruġ jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni li tulu r-Regolament (KE) Nru 1005/2009 japplika fir-Renju Unit u għalih, f’konformità ma’ dak il-Ftehim. Dak il-perjodu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dment li l-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-ħruġ, qabel l-1 ta’ Lulju 2020, ma jadottax deċiżjoni unika li testendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni sa sena jew sentejn oħra.

Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni r-Regolament (KE) Nru 1005/2009 ma jibqax japplika għall-Gran Brittanja u fiha. Madankollu jibqa’ japplika għall-Irlanda ta’ Fuq u fiha f’konformità mal-Protokoll dwar ċerti disposizzjonijiet fir-rigward tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li hu inkluż fil-Ftehim dwar il-ħruġ u fid-Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

2.   

Huma kkonċernati l-gruppi ta’ sustanzi li ġejjin:

Grupp I:

CFC 11, 12, 113, 114 jew 115

Grupp II:

CFCs oħrajn kompletament aloġenati

Grupp III:

alon 1211, 1301 jew 2402

Grupp IV:

tetraklorur tal-karbonju

Grupp V:

1,1,1-trikloroetan

Grupp VI:

bromur tal-metil

Grupp VII:

idrobromofluworokarburi

Grupp VIII:

idroklorofluworokarburi

Grupp IX:

bromoklorometan

3.   

Kull importazzjoni jew esportazzjoni ta’ sustanzi kkontrollati (2) teħtieġ liċenzja maħruġa mill-Kummissjoni, għajr f’każijiet ta’ proċedura ta’ tranżitu, ta’ ħażna temporanja, ta’ ħażna doganali jew ta’ proċedura ta’ żona libera kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li ma ddumx iktar minn 45 jum. Kull produzzjoni ta’ sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel.

4.   

Barra minn hekk, l-attivitajiet li ġejjin huma soġġetti għal-limiti kwantitattivi:

(a)

Il-produzzjoni u l-importazzjoni għal użi fil-laboratorju u għal użi analitiċi,

(b)

L-importazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għal użi kritiċi (aloni),

(c)

L-importazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għall-użu bħala materja prima,

(d)

L-importazzjoni għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea għal użi bħala aġenti tal-ipproċessar.

Il-Kummissjoni talloka l-kwoti għal (a), (b), (c) u (d). Il-kwoti huma stabbiliti fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet tal-kwoti u:

skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 537/2011 (4) għall-każ (a) ta’ hawn fuq

skont l-Artikolu 16 tar-Regolament għall-każijiet (b), (c) u (d) ta’ hawn fuq.

Għall-attivitajiet elenkati fil-paragrafu 4

5.

Kull impriża li fl-2021 tixtieq timporta jew tipproduċi sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi, jew li tixtieq timporta sustanzi kkontrollati għal użi kritiċi (aloni), għall-użu bħala materja prima, jew għal użi bħala aġenti tal-ipproċessar, għandha ssegwi l-proċedura deskritta fil-paragrafi 6 sa 9.

6.

Kull impriża li għadha ma rreġistratx fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS (https://webgate.ec.europa.eu/ods2) għandha tagħmel dan qabel id-19 ta’ Mejju 2020.

7.

L-impriża trid tlesti u tippreżenta l-formola ta’ applikazzjoni għall-kwoti li hija disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS.

Il-formola ta’ applikazzjoni għall-kwoti se tkun disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS mid-19 ta’ Mejju 2020.

8.

Il-Kummissjoni se tqis biss bħala validi l-formoli ta’ applikazzjoni għall-kwoti mimlija kif suppost u mingħajr żbalji li jaslu sad-19 ta’ Ġunju 2020.

L-impriżi huma mħeġġa jippreżentaw il-formoli ta’ applikazzjoni għall-kwoti tagħhom kemm jista’ jkun malajr u jħallu biżżejjed żmien qabel id-data tal-iskadenza sabiex ikunu jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet u s-sottomissjonijiet mill-ġdid li jista’ jkun hemm bżonn qabel id-data tal-iskadenza.

9.

Is-sottomissjoni ta’ formola ta’ applikazzjoni għall-kwoti weħidha ma tagħti l-ebda dritt ta’ importazzjoni jew ta’ produzzjoni ta’ sustanzi kkontrollati għal użi essenzjali fil-laboratorju u għal użi analitiċi, jew ta’ importazzjoni ta’ sustanzi kkontrollati għal użi kritiċi (aloni), għall-użu bħala materja prima, jew għal użi bħala aġenti tal-ipproċessar. Qabel ma sseħħ importazzjoni jew produzzjoni ta’ dan it-tip fl-2021, jeħtieġ li l-impriżi japplikaw għal-liċenzja billi jużaw il-formola ta’ applikazzjoni għal liċenzja, li hija disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS.

Għall-importazzjoni għal użi oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 4 u għall-esportazzjoni

10.

Kull impriża li fl-2021 tkun tixtieq tesporta s-sustanzi kkontrollati jew timporta s-sustanzi kkontrollati għal użi oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 4 trid issegwi l-proċedura spjegata fil-paragrafi 11 u 12.

11.

Kull impriża li għadha ma rreġistratx fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS, għandha tagħmel dan mill-iktar fis possibbli.

12.

Qabel ma ssir importazzjoni għal użi oħra għajr dawk elenkati fil-paragrafu 4 jew qabel ma sseħħ esportazzjoni fl-2021, jeħtieġ li l-impriżi japplikaw għal-liċenzja billi jużaw il-formola ta’ applikazzjoni għal liċenzja disponibbli online fis-Sistema għall-Ħruġ tal-Liċenzji tal-ODS.

(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.

(2)  Għandu jiġi nnotat li huma permessi biss l-importazzjoni jew l-esportazzjoni eżentati mill-projbizzjoni ġenerali dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni skont l-Artikoli 15 u 17.

(3)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 147, 2.6.2011, p. 4.


7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/16


Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 115/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“BERTHOUD”

Nru tal-UE: TSG-FR-02466 – 15.11.2019

“Franza”

1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

“Berthoud”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.21. Ikliet ippreparati

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Jekk il-prodott:

jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ta’ pproċessar jew ta’ kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew oġġett tal-ikel;

huwiex manifatturat minn materja prima jew ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

Il-“Berthoud” huwa dixx sħun individwali li tradizzjonalment l-ingredjent bażi tiegħu huwa l-ġobon DOP “Abondance” imdewweb.

3.2.   Jekk l-isem:

kienx jintuża tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku;

Il-“Berthoud” huwa riċetta tradizzjonali elaborata u li ngħatat dan l-isem fil-bidu tas-seklu 20. Oriġinarjament Berthoud kien kunjom komuni fiż-żona ta’ Chablais (reġjun li jinsab fit-Tramuntana ta’ Haute-Savoie).

jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

4.   Deskrizzjoni

4.1   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-“Berthoud” huwa dixx sħun individwali li l-ingredjent bażi tiegħu huwa l-ġobon DOP “Abondance” imdewweb.

Preżentazzjoni

Il-prodott jisserva f’dixx tal-forn, imsejjaħ “dixx tal-Berthoud”, magħmul mill-porċellana.

Il-konsistenza hija dik ta’ ġobon imdewweb meta jkun jaħraq u l-qoxra li tifforma mas-sajran għandha lewn dehbi għal kannella.

L-ispeċifità ta’ “Berthoud” hija bbażata fuq karatteristiċi differenti:

1.

L-ingredjent bażi tar-riċetta

il-ġobon “Abondance”: ġobon tal-baqra mhux ipproċessat sħiħ, imsemmi għall-wied ta’ Abondance u l-villaġġ tal-istess isem. Wara sekli ta’ manifattura, l-“Abondance” huwa rikonoxxut bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta u, sal-lum il-ġurnata, huwa prodott biss fil-muntanji ta’ Haute-Savoie.

Il-pejst ippressat u nofsu msajjar tal-“Abondance” jagħti lill-“Berthoud” il-konsistenza ratba u lixxa meta jissajjar.

2.

L-ingredjenti speċifiċi oħrajn tar-riċetta

il-“Vin de Savoie” jew “Savoie”: Inbid abjad b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta prodott fid-dipartimenti ta’ Savoie u ta’ Haute-Savoie fi Franza.

il-“Madeira”: inbid likur b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta prodott fl-arċipelagu Portugiż ta’ Madeira.

JEW

il-“Porto”: inbid likur, b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta prodott fir-reġjun ta’ Haut-Douro, il-Portugall.

sinniet tat-tewm biex jindilek il-qiegħ tad-dixx tal-Berthoud bihom.

noċemuskata: mal-preparazzjoni tista’ tiżdied ponta noċemuskata.

bżar

3.

Reċipjent individwali wieħed għal konsistenza partikolari

Il-“Berthoud” jiġi servut f’reċipjent individwali. Fil-fatt, huwa platt li jrid jittiekel jaħraq u malajr, minħabba li l-konsistenza tvarja matul l-ikel u ssir dejjem aktar fibruża u elastika iktar ma jiksaħ id-dixx. Għalhekk, il-format individwali jippermetti li l-“Berthoud” jittiekel aktar malajr milli meta jiġi servit f’dixx kollettiv.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Ingredjenti (għal persuna waħda):

Ingredjenti obbligatorji:

Ġobon “Abondance” DPO (mingħajr il-qoxra): Minimu ta’ 180 g

“Vin de Savoie” DPO: bejn 3 cl u 4 cl

“Madeira” jew “Porto” DPO: bejn 1 cl u 2 cl

Tewm: biżżejjed sinniet tewm biex jindilku l-ġnub interni kollha tar-reċipjent.

Bżar

Ingredjent fakultattiv:

Noċemuskata ponta

Minbarra l-ingredjenti msemmija hawn fuq, l-ebda ingredjent ieħor ma għandu jiżdied mal-preparazzjoni ta’ “Berthoud”.

Jekk jiġu miżjuda ingredjenti oħra mar-riċetta, dawn għandhom jiġu servuti bħala akkumpanjament.

Metodu ta’ produzzjoni:

Il-metodu ta’ produzzjoni jikkorrispondi għar-riċetta tradizzjonali ta’ “Berthoud”.

L-ewwel nett, idlek il-qiegħ tad-dixx tal-Berthoud bis-sinniet tat-tewm.

Dan id-dixx irid ikun tal-porċellana u jkun relattivament oħxon sabiex iżomm is-sħana.

Għandu jkollha dijametru ta’ bejn 12 u 15-il cm u għoli bejn 2,5 u 4,5 cm, bi ħxuna tal-qiegħ ta’ mill-inqas 0,7 cm.

Dawn id-dimensjonijiet jippermettu l-omoġenizzazzjoni tal-kwantitajiet ta’ “Abondance” użati u jagħtu lill-platt konsistenza ta’ ġobon imdewweb u kremuż fil-qalba tiegħu, iggrilljat fil-wiċċ u jillimitaw it-telf tas-sħana.

Il-qoxra tal-ġobon “Abondance” għandha titneħħa u l-ġobon imbagħad irid jitqatta’ fi strixxi rqaq jew jiġi maħkuk (minimu ta’ 180 g għal kull persuna) u jitqiegħed fid-dixx tal-“Berthoud”.

Imbagħad, ferrgħa l-“Vin de Savoie” u l-“Madeira” jew il-“Porto”.

Tista’ tiżdied ukoll ponta noċemuskata skont il-gosti tal-kok.

Fl-aħħar nett, jiżdied il-bżar u wara sajjar au gratin f’forn tradizzjonali bejn 180 u 200 grad, bejn 8 u 15-il minuta, biex tikseb ġobon imdewweb u qoxra dehbija.

Il-platt jiġi servut immedjatament u ma jistax jissaħħan mill-ġdid.

L-użu tal-forn bil-microwave huwa pprojbit.

Karatteristiċi speċifiċi tar-riċetta

L-użu tal-ġobon “Abondance”: biex żgur joħorġu l-aromi waqt it-tisjir l-“Abondance”, wara t-tneħħija tal-qoxra, għandu jinqata’ fi strixxi rqaq jew jiġi maħkuk. M’għandha qatt tintuża biċċa waħda fir-reċipjent.

Il-ħin tat-tisjir: għall-kuntrarju ta’ riċetti oħra bbażati fuq il-ġobon, il-ħin tat-tisjir ta’ “Berthoud” huwa relattivament qasir, minn 8 sa 15-il minuta li huwa biżżejjed biex tinkiseb qoxra dehbija.

Regoli speċifiċi għat-tikkettar

Minbarra l-isem “Berthoud”, kull operatur juri fuq il-menus tiegħu, fl-istess qasam viżwali, il-logo Ewropew STG.

Il-kliem “Speċjalità Tradizzjonali Garantita” jew l-abbrevjazzjoni korrispondenti “STG” jistgħu jidhru wkoll fuq il-menus, qabel jew wara l-isem “Berthoud” mingħajr ebda referenza intermedja.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-karattru tradizzjonali ta’ “Berthoud” huwa bbażat fuq l-użu bħala l-ingredjent ewlieni (u dan il-ġobon biss) tal-ġobon “Abondance” (DPO mill-1996 ’l hawn), kif ukoll l-inbid abjad, prodotti lokali mir-reġjun ta’ Chablais (li jinsab fit-tramuntana ta’ Haute-Savoie, ħdejn il-fruntiera Svizzera) għal mijiet ta’ snin.

Il-preżenza, id-disponibbiltà u l-fama ta’ dawn il-prodotti fir-reġjun ta’ oriġini ta’ “Berthaud” jispjegaw l-użu tagħhom bħala ingredjenti fir-riċetta. Il-ġobon “Abondance” huwa l-ġobon emblematiku tar-reġjun (il-manifattura tiegħu bdiet fis-seklu 12). F’dak li għandu x’jaqsam mal-inbid abjad, dan it-tip ta’ nbid ilu żmien twil jiġi prodott prinċipalment f’Chablias u llum il-ġurnata huwa kopert mid-denominazzjoni “Vin de Savoie”.

Barra minn hekk, ingredjenti aromatiċi oħra ilhom jintużaw għal mill-inqas 30 snin: Il-“Porto” jew il-“Madeira”, it-tewm.

Il-“Bertholoud” twieled fil-bidu tas-seklu 20, f’Cercle Républicain, bistro f’Concise (f’Thonon-les-Bains), li kien jappartjeni għall-familja Berthoud, oriġinarji tal-komun ta’ Abondance, fil-wied ta’ Abondance.

Il-klijenti kienu jieklu platt magħmul minn ġobon “Abondance” imdewweb, bit-tewm u bl-inbid abjad, bil-bżar u n-noċemuskata, li sar magħruf bl-isem tal-familja “Berthoud” li kienet tħejjih.

Ir-riċetta għal “Berthoud” hija ppreżentata fil-ktieb ta’ Eugenie Julie, “Cuisine Savoyarde: recettes traditionnelles et modernes”, Edizzjoni ATRA, p. 25-26, ipubblikat fl-1978, li juri li l-isem ilu jintuża għal aktar minn 40 sena.

Il-“Berthoud” huwa msemmi f’ħafna strutturi tas-seklu XX, bħal pereżempju:

Fil-ktieb “Le Fromage d’Abondance”, Laurent Chapeau, Syndicat agricole du Val d’Abondance, p. 10, ippubblikat fl-1981.

fil-kotba ta’ Marie-Thérèse Hermann:

“La cuisine paysanne de Savoie”, Editur Philippe Sers, p. 169, ippubblikat fl-1982;

“La Savoie traditionnelle”, Editur Curandera, p. 37, ippubblikat fl-1987;

“Dictionnaire de la cuisine de Savoie: traditions et recettes”, Edituri Christine Boneton, p. 21, ippubblikat fl-1992.

Fil-ktieb ta’ Roger Lallemand, “Les Savoies gastronomiques”, Editur Charles Corlet, p. 32-33, ippubblikat fl-1988.

Fil-gwida tal-CNAC (Conseil national des arts culinaires) “Inventaire du patrimoine culinaire de la France Edition Rhône-Alpes, 199 5” (p. 395 li titratta l-ġobon “Abondance”).

Fil-ktieb ta’ Bruno Gillet “Au fil de la Dranse”, 1992.

Fi ktieb ta’ Didier Richard “Les gourmandises du terroir: traditions, recettes, emplettes…”, Editur Didier-Richard, p. 58, ippubblikat fl-1997.

Fi ktieb tal-assoċjazzjoni Franċiża tal-esperti tad-dieta “Recettes régionales et menus équilibrés”, Edituri Solal, p. 13, ippubblikat fl-1997.

Barra minn hekk, teżisti karta tal-imballaġġ tal-Fermiers Savoyards (użata mill-professjonisti sal-1985), li tiddeskrivi r-riċetti tal-“Fondue souyarde” tar-“Raclette” u tal-“Berthoud”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ANNESS

Il-punti ewlenin li jridu jiġu vverifikati

Deskrizzjoni tal-ispeċifikazzjoni

Il-metodu tal-valwazzjoni

L-użu tal-ingredjent bażi tar-riċetta, il-ġobon “Abondance”

Viżwalijew Ibbażata fuq id-Dokumenti

Konformità mal-lista ta’ ingredjenti obbligatorji tar-riċetta

Viżwalijew Ibbażata fuq id-Dokumenti

Format individwali tal-platt tal-Bertoud

Viżwali


7.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/21


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 115/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA LI MHIJIEX MINURI, GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Piave”

Nru tal-UE: DOP-IT-0686-AM02 — 5.4.2019

DOP (X) IĠP ()

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio di tutela del formaggio “Piave” DOP [Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni għall-ġobon tad-DOP “Piave”] bl-uffiċċju rreġistrat f’Via Nazionale 57/A, 32030 Busche di Cesiomaggiore (BL).

L-assoċjazzjoni hija magħmula minn prodotturi tal-“Piave” u hija intitolata li tissottometti applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali tal-14 ta’ Ottubru 2013.

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

☐ Isem tal-prodott

☒ Deskrizzjoni tal-prodott

☐ Żona ġeografika

☐ Prova tal-oriġini

☒ Metodu tal-produzzjoni

☐ Rabta

☐ Tikkettar

☐ Oħrajn [għandu jiġi speċifikat]

4.   Tip ta’ emenda/i

☐ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

☐ Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew l-ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Il-karatteristiċi tal-ġobon ġew speċifikati aktar. L-emenda tikkonċerna l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2 (karatteristiċi tal-prodott) u l-aħħar paragrafu tal-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

Il-formulazzjoni tal-kliem attwali:

“Konsistenza u dehra: ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ toqob. Huwa abjad u lixx fil-varjetà Fresco iżda jsir isfar lewn it-tiben b’konsistenza aktar xotta, aktar granulari u li titfarrak aktar, bi tqarqiċ ħafif tipiku fil-varjetajiet Vecchio, Vecchio Selezione Oro u Vecchio Riserva.”

Test emendat:

“Konsistenza u dehra: magħluqa, kumpatta, ta’ lewn ċar u lixxa fil-varjetà Fresco iżda ta’ kulur aktar skur b’konsistenza aktar xotta, aktar granulari u li titfarrak aktar ma l-ġobon jimmatura. Fit-tipi kollha, toqob żgħar okkażjonali u xi ftit irregolaritajiet (tqarqiċ) tal-ġobon jistgħu jiġu ttollerati iżda l-formazzjoni tat-toqob li tkun tidher u/jew riżultat tal-attività tal-batterji tal-aċidu propjoniku hija pprojbita.”

L-għan tal-emenda proposta huwa li tiddefinixxi l-profil sensorjali tad-DOP “Piave” b’mod aktar xieraq billi tinkludi terminoloġija li hija aktar adattata u rilevanti għas-settur tal-ħalib. Id-definizzjoni tal-kulur tal-ġobon aktar matur twessgħet minn sempliċement isfar lewn it-tiben biex jiġi rifless aħjar il-kulur aktar skur u varjabbli ta’ dan il-ġobon. Dan minħabba ż-żmien tas-sena li jiġi prodott fih, li jiddependi wkoll mill-inwar fid-dieta tal-baqar.

Fir-rigward tal-preżenza tat-toqob, qed jiġi mtenni li d-DOP “Piave” hija ġobon magħluq li jista’ madankollu xi kultant ikollu toqob żgħar, ikkawżati minn mezzi mekkaniċi jew oħrajn, minn naħa minħabba d-diversi sistemi ta’ ppressar u min-naħa l-oħra, minħabba l-preżenza ta’ kolonji mhux iffullati ta’ mikroorganiżmi li jipproduċu l-gass fil-kulturi starter naturali. Il-formazzjoni tat-toqob li jidhru ħafna, speċjalment minħabba l-attività tal-batterji tal-aċidu propjoniku għandha ovvjament tiġi evitata, peress li dan huwa sinjal ta’ fermentazzjoni anormali u mhux ikkontrollata. It-tifsira tat-terminu “tqarqiċ” ġiet iċċarata wkoll.

Dawn l-emendi huma meħtieġa minħabba li l-formulazzjoni tal-kliem preċedenti ma tipprovdi l-ebda flessibbiltà f’termini ta’ verifika ta’ dawn il-karatteristiċi u tista’ twassal biex xi ġobon ma jiġix iċċertifikat bħala ġobon “Piave” minkejja li jkollu l-karatteristiċi meħtieġa.

Metodu ta’ produzzjoni

Il-paragrafu li jikkonċerna l-produzzjoni tal-materja prima fl-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-Dokument Uniku nkiteb mill-ġdid fir-rigward tar-razez tal-bhejjem tal-ifrat u d-dieta tal-baqar.

Il-formulazzjoni tal-kliem attwali:

“Il-ħalib kollu użat biex jiġi prodott il-ġobon “Piave” ġej miż-żona msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan id-dokument, b’mill-anqas 80 % prodott minn razez tal-bhejjem tal-ifrat li huma tipiċi taż-żona ta’ produzzjoni u li huma partikolarment b’saħħithom u adattati għal żoni muntanjużi, jiġifieri l-Brauna Italiana (Italian Brown), il-Pecata Rossa Italiana (Italian Red Pied) u l-Frisona Italiana (Italian Friesian).”

Test emendat:

“Il-ħalib kollu użat għall-produzzjoni tal-ġobon “Piave” ġej miż-żona msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan id-dokument. Mill-anqas 80 % jiġi prodott minn razez tal-bhejjem tal-ifrat li huma tipiċi taż-żona tal-produzzjoni u li huma partikolarment b’saħħithom u adattati għal żoni muntanjużi, jiġifieri l-Bruna Italiana (Italian Brown), il-Pezzata Rossa Italiana (Italian Red Pied), il-Frisona Italiana (Italian Friesian), il-Grigio Alpina (Alpine Grey) u r-razez imħalltin tagħhom.”

L-għan tal-emenda mitluba huwa li terġa’ tiddaħħal ir-razza lokali Alpine Grey, li fil-passat kienet ġiet abbandunata minħabba l-produttività aktar baxxa tagħha, iżda ġiet skoperta mill-ġdid f’dawn l-aħħar snin minħabba n-natura rustika u distinta tagħha u l-adattabbiltà tagħha għat-terren muntanjuż. Ir-razza Alpine Grey, li hija baqra ta’ daqs medju, rustika u frugali, b’istint qawwi għal foraġġ għall-ikel anke f’mergħat inaċċessibbli, uriet li hija partikolarment adattata għall-isfruttament tar-riżorsi naturali taż-żona. L-għan doppju tal-Alpine Grey, li tintuża wkoll għall-produzzjoni tal-laħam, u l-adegwatezza partikolari tagħha għal terren muntanjuż, huma karatteristiċi li qed iħeġġu dejjem aktar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ din ir-razza f’azjendi agrikoli fiż-żona muntanjuża tal-provinċja ta’ Belluno. Il-ġobon magħmul bl-użu tal-ħalib mill-Alpine Grey jikkorrispondi kompletament mal-karatteristiċi tal-ġobon “Piave”. Karatteristika oħra tat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat li hija tipika tal-muntanji u għalhekk taż-żona kollha tal-produzzjoni tal-ġobon “Piave” ġiet spjegata wkoll, jiġifieri l-inkroċjar frekwenti tar-razez tal-bhejjem tal-ifrat imsemmija qabel. Storikament, l-azjendi agrikoli fiż-żona muntanjuża, li mhumiex adattati b’mod speċjali għall-għażla ġenetika fil-mira, użaw il-wild normali tal-merħla.

Il-formulazzjoni tal-kliem attwali:

“Ir-razzjon ma jistax jinkludi l-għalf ipprojbit li ġej:

għalf medikat industrijali;

ħxejjex, frott u lift;

urea, fosfat tal-urea, bjuret.”

Test emendat:

“Ir-razzjon ma jistax jinkludi l-għalf li ġej:

għalf medikat industrijali;

ħxejjex friski, frott u lift, użati direttament;

urea, fosfat tal-urea, bjuret.”

L-għan tal-emenda introdotta huwa li tagħmilha ċara li l-ħxejjex, il-frott u l-lift ikunu pprojbiti bħala għalf biss jekk jintużaw direttament fil-forma friska tagħhom, minħabba li l-kontenut ta’ ndewwa tagħhom jista’ jirriżulta f’fermentazzjoni mhux mixtieqa li tikkawża bidliet fil-profil sensorjali tal-ħalib. Madankollu, din il-problema ma tirriżultax jekk l-istess ikel jintuża fir-razzjon tal-baqar f’forma niexfa jew ikkonċentrata; għalhekk ma hemmx bżonn li tali għalf jiġi pprojbit fid-dieta tal-baqar.

L-aġġettiv “ipprojbit” jirrepeti l-kunċett ta’ “ma jistax jinkludi” u għalhekk tneħħa.

Artikolu 5 Ħżin, ġbir u trasport

Il-metodu tal-ġbir tal-ħalib ġie aġġornat.

Il-formulazzjoni tal-kliem attwali:

“Il-ħalib jinġabar minn żewġ jew erba’ sessjonijiet ta’ taħlib, b’massimu ta’ 72 siegħa bejn l-ewwel sessjoni ta’ taħlib u l-ipproċessar.”

Test emendat:

“Il-ħalib jinġabar matul massimu ta’ tlett ijiem konsekuttivi.”

L-għan tal-emenda huwa li titbiegħed mill-idea ta’ żewġ jew erba’ sessjonijiet ta’ taħlib tradizzjonali, jiġifieri tnejn kuljum. Bl-introduzzjoni tat-taħlib awtomatizzat sar possibbli li jiżdied in-numru ta’ sessjonijiet ta’ taħlib konsekuttivi matul il-jum. Mil-lat xjentifiku, l-użu ta’ sistemi ta’ taħlib awtomatiċi ma jaffettwawx il-karatteristiċi tal-ħalib; b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tiegħu hija statistikament komparabbli, f’termini ta’ xaħmijiet u tal-kontenut ta’ proteini, ma’ dik tal-ħalib miksub permezz tat-taħlib tradizzjonali. Fil-fatt, l-użu ta’ dawn is-sistemi robotiċi jtejjeb is-saħħa tal-baqar, minħabba li jelimina l-istress ikkawżat billi dawn jiġu maħluba darbtejn kuljum matul l-aħjar perjodi ta’ treddigħ. Il-possibbiltà ta’ taħlib ta’ kwantitajiet kbar ta’ ħalib aktar minn darbtejn kuljum għandha wkoll l-effett li d-driegħ u l-bżieżel jiġu soġġetti għal anqas stress, li tittejjeb il-kwalità mikrobijoloġika tal-ħalib u li titnaqqas l-okkorrenza tal-mastite. Barra minn hekk, hija ttejjeb il-karatteristiċi reoloġiċi tal-ħalib, li huma kejl tas-saħħa tal-baqtiet, jiġifieri kemm jirreaġixxu malajr għall-effett enzimatiku tat-tames u kif jirreżistu l-azzjoni mekkanika tal-“lira” użata biex tifridhom.

Fir-rigward taż-żmien tal-ġbir/ipproċessar tal-ħalib, l-emenda hija dovuta għall-fatt li s-sistemi tat-taħlib u tar-refriġerazzjoni tal-lum u l-kundizzjonijiet tal-ħżin tal-ħalib fl-azjenda agrikola jiżguraw l-aqwa standards ta’ iġjene tal-prodott u jżommu l-karatteristiċi tal-ħalib għal aktar jiem milli kienu jdumu fil-passat, li jfisser li ma għadux meħtieġ li jiġi ffissat limitu ta’ żmien li jgħaddi bejn il-ġbir u l-ipproċessar; dan kollu huwa sostnut minn testijiet tal-ipproċessar u minn sejbiet mikrobijoloġiċi, li juru li l-ħalib huwa xieraq għall-ipproċessar għal aktar minn tlett ijiem wara l-ħlib.

Din il-bidla għandha tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa tal-bhejjem żgħar li spiss, b’mod partikolari matul ix-xitwa, ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-kundizzjonijiet tat-toroq affettwati minn kundizzjonijiet tipiċi tat-temp fil-muntanji.

Trattament bis-sħana

Il-metodu tat-trattament bis-sħana sar konformi mal-possibbiltajiet tal-produzzjoni attwali.

Il-formulazzjoni tal-kliem attwali:

“Pasturizzazzjoni tal-ħalib f’temperatura ta’ 72 °C +/– 2 °C għal 16-il sekonda li tikseb reazzjoni negattiva għal test tal-fosfatażi.”

Test emendat:

“Trattament bis-sħana

Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon tad-DOP “Piave” jista’ jiġi pasturizzat.”

L-emenda għall-paragrafu hija ġustifikata mill-fatt li l-parametri tat-trattament jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ sistema użata; għalhekk huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment ukoll għal sistemi li jagħtu l-istess riżultat billi jiġu applikati durati u temperaturi differenti (eż. pastorizzaturi tubulari meta mqabbla ma’ pastorizzaturi tal-pjanċa). Għalhekk, l-istadju tal-pasturizzazzjoni jibqa’ l-istess, iżda, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, mhuwa indikat l-ebda valur ta’ referenza fiss, billi dawn inerenti fid-definizzjoni tal-pastorizzazzjoni nnifisha u huma rregolati minn leġiżlazzjoni speċifika.

L-emenda tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti ta’ għadd ta’ impriżi fiż-żona ta’ Belluno, bħall-azjendi tal-muntanji jew l-imħaleb żgħar tal-muntanji, li ma għandhomx il-possibbiltà li jippastorizzaw il-ħalib. Din l-emenda se tippermetti l-użu tal-ħalib mhux ipproċessat skont it-tradizzjoni.

Produzzjoni tal-ġobon

Xi parametri teknoloġiċi tal-produzzjoni tal-ġobon ġew definiti aħjar.

It-test attwali:

“Tisjir f’temperatura ta’ bejn l-44 u s-47 °C u tħawwid-jitħalla joqgħod għal durata totali ta’ bejn siegħa u nofs u sagħtejn”

Test emendat:

“Tisjir f’temperatura ta’ bejn l-44 u s-47 °C”

Din l-emenda se tippermetti li l-ħinijiet tal-ipproċessar jiġu adattati għat-tip ta’ sistema użata. Id-diversi stadji jistgħu jvarjaw skont it-tip u l-kapaċità tar-reċipjenti. Għalhekk, matul is-snin, l-iffissar ta’ tul ta’ żmien minimu u massimu nstab li jillimita l-firxa ta’ sistemi ta’ produzzjoni li jistgħu jintużaw.

It-tneħħija tal-kliem “tħawwid-jitħalla joqgħod” hija ġġustifikata minħabba li dan l-istadju huwa parti intrinsika mit-teknoloġija tal-produzzjoni għall-ġobon imsajjar u l-ispeċifikazzjoni tagħha mhijiex meħtieġa u sservi biss biex it-test isir aktar ikkumplikat.

Tmelliħ

It-test attwali:

“It-tmelliħ jitwettaq bl-immersjoni fis-salmura għal minimu ta’ 48 siegħa.”

Test emendat:

“It-tmelliħ jitwettaq bl-immersjoni fis-salmura.”

Matul is-snin, instab li l-iffissar ta’ durata minima għall-immersjoni fis-salmura huwa restrizzjoni li tillimita ħafna u li ma tippermettix li dan l-istadju jiġi adattat għal sitwazzjonijiet ta’ produzzjoni differenti. Fil-fatt, il-metodi u t-tul ta’ żmien tat-tmelliħ ivarjaw skont it-tipi differenti ta’ salmura, li jvarjaw f’termini ta’ volum, il-metodu taċ-ċirkolazzjoni tal-ilma, it-temperatura, il-metodu ta’ immersjoni, il-proċeduri għat-tindif tas-salmura, eċċ.. Dawn id-differenzi jfissru gradi differenti ta’ effikaċja f’termini tal-penetrazzjoni tal-melħ fil-ġobon; għalhekk tqies xieraq li d-durata minima għall-immersjoni fis-salmura titneħħa.

It-tneħħija ta’ din ir-restrizzjoni tissodisfa l-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-impriżi ż-żgħar li enfasizzaw il-limitazzjonijiet tagħha peress li ma għandhomx is-sistemi awtomatizzati jew il-persunal meħtieġ biex jiġġestixxu dan l-istadju b’mod strett. Madankollu, il-grad korrett ta’ tmelliħ huwa ggarantit mill-profil sensorjali tad-DOP “Piave”.

DOKUMENT UNIKU

“Piave”

Nru tal-UE: PDO-IT-0686-AM02 — 5.4.2019

DOP (X) IĠP ()

1.   Isem/ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)

“Piave”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

l-Italja.

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Piave” huwa ġobon iebes, immaturat, ċilindriku u msajjar magħmul mill-ħalib tal-baqar.

Il-ġobon jinbiegħ bit-tipi li ġejjin:

Fresco [frisk]: immaturat għal aktar minn 20 jum u għal anqas minn 60 jum; dijametru 320 mm ± 20 mm; għoli tal-qoxra tal-ġenb 80 mm ± 20 mm; piż kg 6,8 kg ± 1 kg.

Mezzano [medju]: immaturat għal aktar minn 60 jum u għal anqas minn 180 jum; dijametru 310 mm ± 20 mm; għoli tal-qoxra tal-ġenb 80 mm ± 20 mm; piż 6,6 kg ± 1 kg.

Vecchio [immaturat]: immaturat għal aktar minn 6 xhur; dijametru 290 mm ± 20 mm; għoli tal-qoxra tal-ġenb 80 mm ± 20 mm; piż kg 6 kg ± 1 kg.

Vecchio Selezione Oro [immaturat - selezzjoni tad-deheb]: immaturat għal aktar minn 12-il xahar; dijametru 280 mm ± 20 mm; għoli tal-qoxra tal-ġenb 75 mm ± 20 mm; piż kg 5,8 kg ± 1 kg.

Vecchio Riserva [immaturat - riżerva]: immaturat għal aktar minn 18-il xahar; dijametru 275 mm ± 20 mm; għoli tal-qoxra tal-ġenb 70 mm ± 20 mm; piż kg 5,5 kg ± 1 kg.

Il-ġobon “Piave” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

Kontenut ta’ xaħam: Fresco 33 % ± 4 %, Mezzano 34 % ± 4 %, Vecchio > 35 %.

Kontenut ta’ proteina: Fresco 24 % ± 4 %, Mezzano 25 % ± 4 %, Vecchio > 26 %.

— Togħma: għall-ewwel ikollu togħma ħelwa u lattika, speċjalment fil-varjetà Fresco iżda tista’ tintgħaraf ukoll fil-varjetà Mezzano; aktar ma l-ġobon jimmatura, it-togħma ssir iktar b’saħħitha u b’mod kostanti aktar intensa u b’palat qawwi sakemm issir kemxejn qawwija fil-ġobon aktar matur.

— Qoxra: ovvja, ratba u ta’ kulur ċar fil-varjetà Fresco iżda eħxen u aktar iebsa aktar ma l-ġobon jimmatura, issir iebsa u dejjem aktar skura u xxaqleb lejn l-okra fil-varjetajiet Vecchio, Vecchio Selzione Oro u Vecchio Riserva.

— Konsistenza u dehra: magħluqa, kumpatta, safra ċara u lixxa fil-varjetà Fresco iżda b’lewn aktar skur b’konsistenza aktar xotta, granulari u li titfarrak aktar ma l-ġobon jimmatura. Fit-tipi kollha, jistgħu jiġu ttollerati toqob żgħar okkażjonali u irregolaritajiet żgħar (tqarqiċ) tal-ġobon iżda l-formazzjoni tat-toqob li jidhru ħafna u/jew minħabba l-attività tal-batterji tal-aċidu propjoniku hija pprojbita.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Id-dieta tal-baqar tal-ħalib trid tkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

mill-anqas 70 % tal-foraġġ u 50 % tal-materja niexfa jridu jiġu prodotti fiż-żona tal-produzzjoni indikata fil-punt 4, li tinsab kompletament f’żoni muntanjużi.

Ir-razzjon ma jistax jinkludi l-għalf li ġej:

għalf medikat industrijali;

ħxejjex friski, frott u lift, użati direttament;

urea, fosfat tal-urea, bjuret.

Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon “Piave” jiġi esklussivament mill-provinċja ta’ Belluno, b’mill-anqas 80 % prodott minn razez tal-bhejjem tal-ifrat li huma tipiċi taż-żona ta’ produzzjoni, jiġifieri l-Brauna Italiana, il-Pezzata Rossa Italiana, il-Frisona Italiana, il-Grigio Alpina) u r-razez imħalltin tagħhom.

Il-materja prima l-oħra użata tikkonforma wkoll mal-kriterji tar-rispett tat-tradizzjoni lokali. Tintuża kultura starter speċifika u starter tax-xorrox li jiġu prodotti lokalment mill-ħalib tal-provinċja ta’ Belluno u mill-ipproċessar ta’ kulturi li fihom kulturi li fihom is-seru u li jagħmlu parti minn razez indiġeni.

L-aċidità tal-kultura starter hija ta’ 10 °SH/50 ± 3.

L-aċidità tal-istarter tax-xorrox hija ta’ 27 °SH/50 ± 3.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess kollu tal-produzzjoni (il-produzzjoni tal-ħalib, it-titrazzjoni, it-trattament bis-sħana, l-introduzzjoni ta’ kulturi, it-tibqit, it-tferrigħ/l-iffurmar, l-ippressar, l-ittimbrar, li l-ġobon jitħalla joqgħod qabel ma jimmatura, it-tmelliħ u l-maturazzjoni) irid iseħħ fiż-żona indikata fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

L-isem tal-prodott (“Piave”) jiġi ttimbrat b’mod vertikali fuq il-qoxra tal-ġenb kollha bil-kelma murija fid-direzzjoni opposta fuq linji alternati (għoli 70 mm ± 5 mm).

Kull rota tal-ġobon trid tindika l-lott tal-produzzjoni li jippermetti li jiġu identifikati l-jum, ix-xahar u s-sena tal-produzzjoni. Il-kodiċi tal-lott irid jiġi ttimbrat fuq il-qoxra tal-ġenb jew fuq naħa waħda tar-rota.

Titwaħħal tikketta fuq in-naħa l-oħra tar-rota, bil-kliem li ġej:

“Piave” Denominazione D’Origine Protetta [Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta];

Fresco, Mezzano jew Vecchio (Vecchio Selezione Oro - Vecchio Riseva);

marka jew isem kummerċjali tal-produttur.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-ġobon “Piave” hija magħmula mit-territorju tal-provinċja ta’ Belluno.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-provinċja ta’ Belluno tinsab kompletament f’żona muntanjuża u l-fruntieri ġeografiċi tagħha huma karatterizzati minn meded ta’ muntanji li jisseparaw it-territorju ta’ Belluno mir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia lejn il-Lvant, il-pjanura tal-Veneto tal-provinċji ta’ Treviso u ta’ Vicenza lejn in-Nofsinhar, Trentino Alto Adige lejn il-Punent u l-Awstrija lejn it-Tramuntana. Ix-xmara Piave tgħaddi mit-territorju mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar u x-Xlokk mis-sors tagħha fil-Monte Peralba f’Val Visdende fiż-żona ta’ Comelico fl-aktar parti fit-Tramuntana tal-provinċja ta’ Belluno.

L-eżistenza u d-distribuzzjoni tal-meded ta’ muntanji, speċifikament id-Dolomiti fil-Majjistral u l-għoljiet Alpini fix-Xlokk, flimkien max-xmara Piave, li kollha kemm hi tgħaddi miż-żona, joħolqu ambjent partikolari li huwa differenti minn dak taż-żoni biswitu, b’medja għolja ħafna ta’ xita annwali u temperaturi medji annwali minimi li għandhom tendenza li jkunu aktar baxxi minn dawk taż-żoni ġirien. Dawn il-karatteristiċi ambjentali partikolari tat-temperatura u x-xita jippermettu l-iżvilupp ta’ speċijiet tipiċi ta’ veġetazzjoni fil-muntanji. Il-provinċja ta’ Belluno tinsab fiż-żona tad-Dolomiti tal-Alpi Taljani u fiha żewġ parks importanti: il-Parco Nazionale delle Dolomiti Bellunesi [il-Park Nazzjonali tad-Dolomiti ta’ Belluno] u l-Parco Naturale Regionale delle Dolomiti d’Ampezzo [il-Park Naturali Reġjonali tad-Dolomiti ta’ Ampezzo].

It-territorju tal-provinċja ta’ Belluno huwa kompletament muntanjuż. Minħabba n-nuqqas ta’ żoni li jinsabu fil-baxx u bl-għoljiet u l-altitudni u l-pendil tat-terren, il-provinċja kollha hija kklassifikata bħala żona żvantaġġjata għall-biedja, iżda l-istess karatteristiċi jikkontribwixxu wkoll għall-adegwatezza tagħha għall-produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobon. Il-provinċja ta’ Belluno hija kkaratterizzata minn mergħat konsiderevoli li jammontaw għal madwar 13 000 ettaru, u ċ-ċifra li tirriżulta ta’ 4,38 ettari għal kull annimal hija ferm ogħla mill-medja taż-żoni ġirien (0,67 ettari għal kull annimal).

Il-ġobon “Piave” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

profil tat-togħma distint waqt id-diversi stadji tal-maturazzjoni, ikkawżat minn proċessi ta’ proteoliżi u lipoliżi li huma r-riżultat ikkombinat ta’ żewġ tipi ta’ kultura u mikroorganiżmi indiġeni;

fermezza minħabba n-nuqqas ta’ gassijiet ta’ fermentazzjoni;

riħa lattika aktar b’saħħitha fil-prodotti inqas maturi;

togħma li bil-mod il-mod issir intensa u b’palat qawwi, u kemxejn qawwija f’varjetajiet li tħallew jimmaturaw għal żmien itwal, mingħajr ma qatt issir eċċessiva, li tfisser it-togħma unika, ibbilanċjata u li faċilment tintgħaraf tal-ġobon “Piave”.

Dawn il-karatteristiċi ta’ kwalità huma marbuta ma’ żewġ fatturi ewlenin:

(a)

il-ħalib użat għall-produzzjoni, li huwa aktar kremuż u rikk fil-proteini mill-ħalib f’żoni oħra (anke f’partijiet oħra ta’ Veneto).

Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon “Piave” jiġi esklussivament mill-provinċja ta’ Belluno u l-kontenut medju ta’ xaħam (3,93 %) tiegħu u l-kontenut ta’ proteini (3,35 %) huwa ogħla minn dak tal-ħalib prodott fi provinċji oħra tar-reġjun ta’ Veneto (3,69 % għax-xaħam u 3,27 % għall-proteina) u ogħla wkoll mill-medja nazzjonali (3,7 % għax-xaħam u 3,28 % għall-proteina).

(b)

il-mikroflora lattika tipika użata, li hija indiġena.

Il-kulturi starter u tax-xorrox użati fil-produzzjoni tal-“Piave” jiġu prodotti lokalment mill-ħalib u mill-ipproċessar tas-seru li fih kulturi li jappartjenu għal razez indiġeni. Minħabba li jiġu riprodotti direttament fiż-żona, il-flora mikrobika prodotta minn dawn il-kulturi naturali tirrappreżenta tip ta’ impronta mikrobijoloġika taż-żona ġeografika tal-produzzjoni. L-interazzjonijiet kumplessi li jseħħu bejn id-diversi organiżmi fihom jistgħu jitqiesu bħala wieħed mill-fatturi deċiżivi tal-kisba tal-karatteristiċi organolettiċi partikolari tal-ġobon “Piave”.

Il-karatteristiċi organolettiċi u nutrizzjonali tal-ġobon “Piave” huma dderivati mill-karatteristiċi ġeografiċi, ambjentali u ta’ produzzjoni partikolari taż-żona muntanjuża fejn jiġi prodott.

Il-karatteristiċi notevoli tal-ħalib użat għall-produzzjoni tal-“Piave”, bil-kontenut ogħla ta’ xaħam u proteini tiegħu, huma riżultat ta’ trobbija f’żoni muntanjużi.

Karatteristika taż-żoni muntanjużi b’mod ġenerali, iżda b’mod partikolari tal-provinċja ta’ Belluno, hija l-indiċi ta’ produzzjoni baxx tagħhom għall-ħalib. Il-produzzjoni tal-ħalib għal kull ettaru ta’ żona permanenti għall-għalf/ragħa fil-provinċja ta’ Belluno (anqas minn 10 litri meta mqabbla mal-medja ta’ 272 litru għal kull ettaru ta’ ragħa fi provinċji oħra) u l-produttività għal kull annimal (44 ettolitru fis-sena meta mqabbla mal-medja reġjonali ta’ 57 ettolitru) huma ferm anqas miċ-ċifri medji f’żoni oħra. Il-livell tar-ragħa tal-annimali fil-provinċja ta’ Belluno huwa ħafna anqas minn dak fiż-żoni u fil-provinċji ġirien. Kif indikat qabel, iż-żona tal-foraġġ/ragħa permanenti disponibbli għall-bhejjem tal-ifrat fiż-żona fejn jiġi prodott il-ġobon “Piave” (4,38 ettaru għal kull annimal) hija ferm ogħla miċ-ċifra għaż-żoni ġirien u l-medja reġjonali (0,67 ettaru għal kull annimal).

Fattur addizzjonali huwa li l-kundizzjonijiet ambjentali, bħat-temperatura u x-xita medja, li jvarjaw b’mod sinifikanti miż-żoni tal-madwar, jippermettu l-iżvilupp ta’ speċijiet tipiċi ta’ veġetazzjoni tal-muntanji li jipprovdu komponenti aromatiċi partikolari għall-ħalib fil-provinċja ta’ Belluno u b’hekk għall-ġobon “Piave”.

Dawn il-fatturi kollha – l-indiċijiet tal-produzzjoni baxxi tal-ħalib fiż-żona definita, iż-żona kbira disponibbli għar-ragħa u l-provvista abbundanti ta’ għalf u speċijiet tipiċi ta’ veġetazzjoni tal-muntanji għall-għalf tal-bhejjem tal-ifrat – jirriżultaw f’niċċa ekoloġika speċifika u joħolqu l-karatteristiċi partikolari li huma tipiċi tal-kwalità tal-ħalib prodott fil-provinċja ta’ Belluno.

Dawn il-kwalitajiet partikolari, flimkien mal-użu ta’ żewġ kulturi prodotti lokalment (il-kultura starter u l-kultura tax-xorrox), huma l-fatturi deċiżivi li jagħtu lill-ġobon “Piave” l-karatteristiċi organolettiċi partikolari tiegħu.

Il-produzzjoni tal-ġobon “Piave” għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra fil-provinċja ta’ Belluno. L-oriġini tiegħu tmur lura għal tmiem is-seklu 19 meta l-ewwel imħaleb li jduru kienu ġew stabbiliti f’żoni muntanjużi fl-Italja.

L-ewwel prodotti kklassifikati bħala “Piave” – xmara ta’ fama għal prodott ta’ fama – imorru lura għall-1960; meta terz mill-10 tunnellati ta’ ħalib kuljum fornut lill-kooperattiva fis-settur tal-ħalib Latteria Sociale Cooperativa della Vallata Feltrina twarrab għall-produzzjoni tal-ġobon “Piave” u “Fior di Latte”.

Il-ġobon “Piave” jieħu ismu mix-xmara tal-istess isem, li taqsam il-provinċja kollha ta’ Belluno mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u x-Xlokk.

Illum il-ġurnata, il-prodott huwa magħruf u apprezzat ħafna mill-konsumaturi, tant li sa mis-snin 80 irċieva premjijiet importanti għall-karatteristiċi partikolari u tipiċi tiegħu, kemm fuq livell nazzjonali, fejn kiseb il-premju Spino d’Oro fl-1986, fl-1992 u fl-1994 fit-23, fis-26 u fis-27 fieri tal-ġobon Mostra delle Produzioni Casearie fi Thiene, u f’avvenimenti internazzjonali, bħall-Olimpjadi tal-Ġobon tal-Muntanji f’Verona fl-2005 meta rebaħ il-premju tat-togħma tal-Buonitalia għall-aqwa ġobon esportat, fil-Premjijiet Dinjija tal-Ġobon f’Dublin fejn rebaħ l-ewwel premju għal ġobon matur u fl-Esibizzjoni Dinjija tal-Ikel f’Moska fl-2007.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jinsab fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u mbagħad fuq “Prodotti DOP IĠP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.