ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 108I |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 63 |
Werrej |
Paġna |
|
|
II Komunikazzjonijiet |
|
|
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2020/C 108 I/01 |
MT |
|
II Komunikazzjonijiet
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
1.4.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 108/1 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-qafas tal-akkwist pubbliku fis-sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mal-kriżi tal-COVID-19
(2020/C 108 I/01)
1. Introduzzjoni — Alternattivi u flessibbiltajiet taħt il-qafas tal-akkwist pubbliku
Il-COVID-19 huwa kriżi tas-saħħa li tirrikjedi soluzzjonijiet rapidi u intelliġenti u aġilità fl-indirizzar ta’ żieda enormi fid-domanda għal oġġetti u servizzi simili filwaqt li ċerti ktajjen tal-provvista huma mfixkla. Ix-xerrejja pubbliċi fl-Istati Membri huma fuq quddiem għall-biċċa l-kbira ta’ dawn l-oġġetti u s-servizzi. Iridu jiżguraw id-disponibbiltà ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali bħal pereżempju maskri tal-wiċċ u ingwanti protettivi, apparat mediku, b’mod partikolari ventilaturi, provvisti mediċi oħra, iżda wkoll infrastruttura tal-isptar u tal-IT, biex insemmu biss ftit.
Fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri diġà żiedet l-isforzi tagħha billi nediet azzjonijiet ta’ akkwist konġunt għal provvisti mediċi varji.
Sabiex tkompli tadatta l-assistenza tagħha għal din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza, f’din il-gwida (1) l-Kummissjoni tispjega liema alternattivi u flessibbiltajiet huma disponibbli taħt il-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE għax-xiri tal-provvisti, tas-servizzi u tax-xogħlijiet meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi.
Ix-xerrejja pubbliċi għandhom bosta alternattivi li jistgħu jikkunsidraw:
— |
L-ewwel nett, fil-każijiet ta’ urġenza jistgħu jużaw il-possibbiltajiet biex inaqqsu b’mod sostanzjali l-iskadenzi biex jitħaffu l-proċeduri miftuħa jew ristretti. |
— |
Jekk dawn il-flessibbiltajiet ma jkunux suffiċjenti, tista’ tkun prevista proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni. Eventwalment, anke għotja diretta lil operatur ekonomiku magħżul minn qabel tista’ tkun permessa, sakemm dan tal-aħħar ikun l-unika wieħed kapaċi li jwassal il-provvisti meħtieġa fi ħdan il-limiti tekniċi u ta’ żmien imposti mill-urġenza estrema. |
— |
Barra minn hekk, jenħtieġ li x-xerrejja pubbliċi jikkunsidraw li jqisu wkoll soluzzjonijiet alternattivi u li jkunu involuti fis-suq. |
Din il-gwida tiffoka speċjalment fuq l-akkwisti fil-każijiet ta’ urġenza estrema, li jippermettu lix-xerrejja pubbliċi jixtru fi ftit jiem, u anke fi ftit sigħat, jekk ikun meħtieġ. Preċiżament għal sitwazzjoni bħal dik tal-kriżi tal-COVID-19 attwali li tippreżenta urġenza estrema u imprevedibbli, id-direttivi tal-UE ma fihomx limiti proċedurali.
B’mod konkret, il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni tippermetti lix-xerrejja pubbliċi jixtru provvisti u servizzi fl-iqsar żmien possibbli. Skont din il-proċedura, kif stabbilit fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/24/UE (“id-Direttiva”) (2), ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jinnegozjaw direttament mal-kuntrattur(i) potenzjali u ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ pubblikazzjoni, l-ebda limitu ta’ żmien, l-ebda numru minimu ta’ kandidati li jridu jiġu kkonsultati, jew rekwiżiti proċedurali oħra. L-ebda pass proċedurali ma huwa rregolat fil-livell tal-UE. Fil-prattika, dan ifisser li l-awtoritajiet jistgħu jaġixxu malajr daqs kemm hu fattibbli teknikament/fiżikament - u l-proċedura tista’ tikkostitwixxi għotja diretta de facto soġġetta biss għal-limiti fiżiċi/tekniċi relatati mad-disponibbiltà reali u l-veloċità tat-twassil.
Il-qafas tal-akkwist pubbliku Ewropew jipprovdi l-flessibbiltà kollha neċessarja lix-xerrejja pubbliċi biex jixtru l-oġġetti u s-servizzi marbuta direttament mal-kriżi tal-COVID-19 malajr kemm jista’ jkun. Sabiex iħaffu l-akkwisti pubbliċi tagħhom, ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jikkunsidraw ukoll li:
— |
jikkuntattjaw il-kuntratturi potenzjali ġewwa u barra l-UE bit-telefown, bl-email jew personalment. |
— |
jimpjegaw aġenti li għandhom kuntatti aħjar fis-swieq. |
— |
jibagħtu rappreżentanti direttament lill-pajjiżi li għandhom l-istokks neċessarji u li jistgħu jiżguraw konsenja immedjata. |
— |
jikkuntattjaw lill-fornituri potenzjali biex jaqblu dwar żieda fil-produzzjoni jew il-bidu jew it-tiġdid tal-produzzjoni. |
Madankollu, meta jkunu kkonfrontati b’sitwazzjonijiet ta’ żieda eċċezzjonali fid-domanda ta’ oġġetti, prodotti u servizzi simili flimkien ma’ tfixkil sinifikanti fil-katina tal-provvista, l-akkwist jista’ jkun fiżikament jew teknikament impossibbli anke jekk jintużaw l-aktar proċeduri rapidi disponibbli. Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom, jista’ jkun li x-xerrejja pubbliċi jkollhom ifittxu soluzzjonijiet alternattivi u possibbilment innovattivi, li diġà jistgħu jkunu disponibbli fis-suq jew li jkunu jistgħu jintużaw fi żmien qasir (ħafna). Ix-xerrejja pubbliċi se jkollhom jidentifikaw soluzzjonijiet u jinteraġixxu mal-fornituri potenzjali sabiex jivvalutaw jekk dawn l-alternattivi jissodisfawx il-ħtiġijiet tagħhom (3). L-interazzjoni mas-suq tista’ toffri opportunitajiet tajbin biex jitqiesu wkoll l-aspetti ta’ akkwist pubbliku strateġiku, meta r-rekwiżiti ambjentali, innovattivi u soċjali, inkluż l-aċċessibbiltà għal kwalunkwe servizzi akkwistat, ikunu integrati fil-proċess ta’ akkwist.
Ix-xerrejja pubbliċi għandhom setgħa sħiħa taħt il-qafas tal-UE biex jinvolvu ruħhom fis-suq u fl-attivitajiet ta’ tlaqqigħ. Hemm bosta modi kif wieħed jista’ jinteraġixxi mas-suq biex tiġi stimolata l-provvista u għall-ħtiġijiet fuq żmien medju, l-applikazzjoni ta’ proċedura b’urġenza tista’ tkun mezz aktar affidabbli biex jinkiseb valur aħjar għall-flus u aċċess usa’ għall-provvisti disponibbli. Barra minn hekk:
— |
Ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jużaw għodda diġitali (4) innovattivi biex jagħtu bidu għal interess kbir fost l-atturi ekonomiċi li huma kapaċi jipproponu soluzzjonijiet alternattivi. Pereżempju, jistgħu jniedu hackathons għal kunċetti ġodda li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-maskri protettivi wara t-tindif, għal ideat ta’ kif il-persunal mediku jista’ jiġi protett b’mod effettiv, għal modi kif jista’ jiġi identifikat il-virus fl-ambjent, eċċ. |
— |
Ix-xerrejja pubbliċi jistgħu wkoll jaħdmu aktar mill-qrib mal-ekosistemi tal-innovazzjoni jew man-netwerks tal-imprendituri, li jistgħu jipproponu soluzzjonijiet. |
Ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jiddependu fuq il-qafas tal-akkwist pubbliku tal-UE, li jipprovdi modi u mezzi biex jiġu akkomodati emerġenzi serji bħall-pandemija tal-COVID-19.
Jippermetti u jħeġġeġ lix-xerrejja pubbliċi biex isegwu strateġija b’bosta stadji. L-ewwel nett, għall-ħtiġijiet immedjati u mbassra fuq żmien qasir, jenħtieġ li jisfruttaw bis-sħiħ il-flessibbiltajiet tal-qafas. Bħala għodda komplementari, huma mħeġġa jakkwistaw b’mod konġunt u jieħdu vantaġġ mill-inizjattivi tal-akkwist konġunt tal-Kummissjoni. Il-proċeduri bi skadenzi mnaqqsa jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom fuq żmien medju, minħabba li fil-prinċipju huma aktar affidabbli biex jiksbu valur aħjar għall-flus u biex jiżguraw aċċess usa’ tal-kumpaniji għall-opportunitajiet tan-negozju u firxa usa’ ta’ provvisti disponibbli.
Il-Kummissjoni se timmobbilizza r-riżorsi kollha tagħha biex tipprovdi aktar pariri u assistenza (5) lill-Istati Membri u lix-xerrejja pubbliċi.
2. Għażla ta’ proċeduri u skadenzi taħt il-qafas ta’ akkwist pubbliku tal-UE — speċjalment fil-każijiet ta’ urġenza u ta’ urġenza estrema
Bħalissa l-Unjoni Ewropea qed taffaċċa bosta sfidi minħabba l-kriżi tas-saħħa f’daqqa u mifruxa tal-COVID-19. Din il-gwida tipprovdi ħarsa ġenerali tal-possibbiltajiet għax-xerrejja pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti (6), biex jixtru provvisti u servizzi tal-ewwel ħtieġa malajr u, meta jkun meħtieġ, anke infrastruttura addizzjonali.
Ir-regoli Ewropej tal-akkwist pubbliku jipprovdu l-għodda kollha meħtieġa biex jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
2.1. Għażla ta’ proċeduri inġenerali
Għall-kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-awtorità kontraenti tista’ tagħżel li tagħti l-kuntratt wara proċedura miftuħa jew ristretta (l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva) (7).
Għall-proċeduri miftuħa soġġetti għad-Direttiva, se tapplika skadenza ta’ 35 jum għall-preżentazzjoni tal-offerti (8).
Fil-każ ta’ proċeduri ristretti, id-Direttiva tipprevedi skadenza ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni segwita bi skadenza addizzjonali ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni tal-offerti (9). Din l-iskadenza tista’, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun implimentat din l-alternattiva, tinftiehem bejn l-awtoritajiet kontraenti sottoċentrali, bħalma huma l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, u l-parteċipanti; jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, allura tista’ tiġi applikata skadenza minima ta’ 10 ijiem (10).
Barra minn hekk, kemm fi proċeduri miftuħa kif ukoll f’dawk ristretti, dawn l-iskadenzi jistgħu jitqassru:
(1) |
sew fil-każ ta’ avviż ta’ informazzjoni minn qabel li ma jkunx intuża bħala sejħa għall-kompetizzjoni, iżda li kien jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-avviż tal-kuntratt fit-taqsima I tal-parti B tal-Anness V u li ntbagħat għall-pubblikazzjoni bejn 35 jum u 12-il xahar qabel id-data li fiha ntbagħat l-avviż tal-kuntratt; |
(2) |
sew fil-każ ta’ urġenza li tkun debitament sostanzjata mill-awtorità kontraenti u li trendi imprattikabbli l-limitu ta’ żmien applikabbli (ara l-punt 2 hawn taħt). |
2.2. Fil-każijiet ta’ urġenza — skadenzi mqassra
Jekk l-urġenza titlob dan, id-Direttiva tipprevedi tnaqqis sostanzjali tal-iskadenzi ġenerali: skont il-proċedura miftuħa, l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti tista’ titnaqqas għal 15-il jum fil-każijiet ta’ urġenza debitament ġustifikata (11); skont il-proċedura ristretta, l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-parteċipazzjoni tista’ titnaqqas sa 15-il jum (12) u għall-preżentazzjoni ta’ offerta għal 10 ijiem (13). Dan jippermetti l-għoti tal-kuntratt malajr.
L-użu ta’ proċedura miftuħa jew ristretta “aċċellerata” jikkonforma mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza u jiżgura l-kompetizzjoni anke fil-każijiet ta’ urġenza. Fil-każijiet ta’ urġenza li jrendu imprattikabbli l-limiti ta’ żmien applikabbli f’ċirkostanzi normali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jqassru l-iskadenzi, li huma applikabbli għal proċedura ta’ akkwist pubbliku miftuħa jew ristretta f’konformità mad-Direttiva.
Proċedura |
Skadenzi Regolari Minimi |
Skadenzi Mqassra Minimi |
Proċedura miftuħa |
35 jum (14) |
15-il jum |
Proċedura ristretta (pass 1: Talba għall-parteċipazzjoni) |
30 jum (15) |
15 jum (16) |
Proċedura ristretta (pass 2: Preżentazzjoni tal-offerta) |
30 jum (17) |
10 ijiem (18) |
2.3. Fil-każijiet ta’ urġenza estrema — proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni
Bil-“proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni”, id-dritt tal-Unjoni jipprovdi għodda addizzjonali, li se tippermetti l-għoti aktar rapidu ta’ kuntratti biex jipprevedu għall-ħtiġijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19.
L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti pubbliċi permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni “sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza kbira dovuti għal avvenimenti li ma setgħux ikunu previsti mill-awtorità kontraenti, il-limiti ta’ żmien għal proċeduri miftuħa jew ristretti jew kompetittivi bin-negozjar ma jistgħux jiġu rispettati. Iċ-ċirkostanzi invokati għall-ġustifikazzjoni tal-urġenza estrema qatt ma għandhom ikunu attribwibbli għall-awtorità kontraenti.” (L-Artikolu 32(2)(c) tad-Direttiva).
Peress li l-awtoritajiet kontraenti jidderogaw f’dan il-każ mill-prinċipju bażiku tat-Trattat dwar trasparenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li l-użu ta’ din il-proċedura jibqa’ eċċezzjonali. Il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv u jeħtieġ jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, pereżempju, il-kawżi C-275/08, Il-Kummissjoni v il-Ġermanja, u C-352/12, Consiglio Nazionale degli Ingegneri). “Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni” tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jinnegozjaw direttament mal-kuntratturi potenzjali; l-għotja diretta lil operatur ekonomiku magħżul minn qabel tibqa’ l-eċċezzjoni, u dik tkun applikabbli jekk impriża waħda biss tkun kapaċi tagħti riżultat fil-limiti tekniċi u ta’ żmien imposti mill-urġenza estrema.
Kull awtorità kontraenti jkollha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ “proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt” ġewx issodisfati. Ikollha tiġġustifika l-għażla tagħha ta’ tali proċedura f’rapport individwali (19). Fil-valutazzjoni individwali ta’ kull każ, il-kriterji kumulattivi li ġejjin jeħtieġ li jiġu ssodisfati:#
2.3.1. “Avvenimenti imprevedibbli mill-awtorità kontraenti inkwistjoni”
L-għadd ta’ pazjenti tal-COVID-19 li jeħtieġu kura medika qed jiżdied kuljum u, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, huwa mistenni li jiżdied aktar sakemm tintlaħaq il-quċċata.
Dawn l-avvenimenti u b’mod speċjali l-iżvilupp speċifiku tagħhom jeħtieġ li jiġu kkunsidrati imprevedibbli għall-awtoritajiet kontraenti kollha. Il-ħtiġijiet speċifiċi għall-isptarijiet u għall-istituzzjonijiet tas-saħħa l-oħra sabiex jipprovdu l-kura, it-tagħmir ta’ protezzjoni personali, il-ventilaturi, is-sodod addizzjonali, u l-kura intensiva addizzjonali u l-infrastruttura tal-isptarijiet, inkluż it-tagħmir tekniku kollu, ċertament ma setgħux jiġu previsti u ppjanati minn qabel, u għaldaqstant jikkostitwixxu avveniment imprevedibbli għall-awtoritajiet kontraenti.
2.3.2. Urġenza estrema li tagħmel il-konformità mal-iskadenzi ġenerali impossibbli
Ma hemmx dubju li l-ħtiġijiet immedjati tal-isptarijiet u tal-istituzzjonijiet tas-saħħa (provvisti, servizzi u xogħlijiet pubbliċi) għandhom jiġu ssodisfati malajr kemm jista’ jkun.
Jekk dan jagħmilhiex impossibbli li jiġu rispettati saħansitra l-iskadenzi qosra ħafna tal-proċedura miftuħa jew ristretta aċċellerata (15-il jum u 10 ijiem rispettivament biex jippreżentaw l-offerti) irid jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ, iżda din hija l-probabbiltà fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, mill-inqas fir-rigward tal-ħtiġijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir li qed jiżdiedu b’mod sinifikanti hekk kif tibqa’ togħla l-kurva tal-infezzjonijiet.
Kif iċċarat skont il-ġurisprudenza tal-Qorti (20), jekk tiġi invokata l-urġenza estrema, l-akkwist jeħtieġ li jiġi ssodisfat mingħajr dewmien. L-eċċezzjoni ma tistax tiġi invokata għall-għoti ta’ kuntratti li jieħdu aktar żmien milli kien jittieħed li kieku ntużat proċedura trasparenti, miftuħa jew ristretta, inkluż proċeduri aċċellerati (miftuħa jew ristretti).
2.3.3. Rabta kawżali bejn l-avveniment imprevedibbli u l-urġenza estrema
Sabiex jiġu ssodisfat il-ħtiġijiet immedjati tal-isptarijiet u l-istituzzjonijiet tas-saħħa fi żmien qasir ħafna, ir-rabta kawżali tagħhom mal-pandemija tal-COVID-19 ma tistax tiġi ddubitata b’mod raġonevoli.
2.3.4. Jintużaw biss biex ikopru d-diskrepanza sakemm jinstabu soluzzjonijiet aktar stabbli
Proċeduri negozjati mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel jistgħu joffru l-possibbiltà li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet immedjati. Dawn ikopru d-differenza sakemm jinstabu soluzzjonijiet aktar stabbli, bħalma huma kuntratti qafas għall-provvisti u s-servizzi, mogħtija permezz ta’ proċeduri regolari (inklużi proċeduri aċċellerati).
(1) Din il-gwida hija bbażata fuq “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku b’rabta mal-kriżi attwali tal-ażil tad-9 ta’ Settembru 2015 COM/2015/0454 final”; Din il-gwida tirrifletti l-mod kif il-Kummissjoni tifhem it-Trattati, id-direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti). F’kull każ, għandu jiġi nnotat li l-interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni fl-aħħar mill-aħħar hija r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-gwida ma tbiddilx il-qafas legali.
(2) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94. 28.3.2014, p. 65).
(3) Gwida u prattika tajba dwar ix-xiri ta’ prodotti u servizzi innovattivi: https://ec.europa.eu/info/policies/public-procurement/support-tools-public-buyers/innovation-procurement_mt
(4) L-akkwist diġitali jħeġġeġ approċċi innovattivi https://ec.europa.eu/growth/single-market/public-procurement/digital_mt
(5) Hemm aktar minn 250 000 awtorità kontraenti fl-UE, u għalhekk il-Kummissjoni diġà tikkomunika ma’ punt ta’ kuntatt nazzjonali magħżula mill-Istati Membri permezz ta’ għodda WIKI online iddedikata.
(6) L-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, il-korpi regolati mil-liġi pubblika, jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew minn tali korp wieħed jew aktar irregolat mil-liġi pubblika.
(7) Il-proċeduri nnegozjati b’pubblikazzjoni minn qabel jew id-djalogi kompetittivi probabbilment mhux se jkunu ta’ interess f’dan il-kuntest peress li l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom mhux se jiġu ssodisfati fiċ-ċirkostanzi previsti f’din il-Komunikazzjoni.
(8) L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24/UE.
(9) L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24/UE.
(10) L-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(11) L-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(12) L-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(13) L-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(14) L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/24/UE.
(15) L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24/UE.
(16) L-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(17) L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24/UE.
(18) L-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(19) L-Artikolu 84(1)(f) tad-Direttiva 2014/24/UE.
(20) Ara s-Sentenza tal-Qorti fil-kawża C-352/12 tal-20 ta’ Ġunju 2013, par. 50–52.