ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 97

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
24 ta' Marzu 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-548 sessjoni plenarja tal-KESE, 11.12.2019–12.12.2019

2020/C 97/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tassazzjoni/l-investiment privat u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli — kooperazzjoni mal-Kumitat ta’ Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2020/C 97/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Trattat vinkolanti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

9

2020/C 97/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-għajnuna esterna, l-investiment u l-kummerċ bħala strumenti biex jitnaqqsu r-raġunijiet għall-migrazzjoni ekonomika, b’enfasi speċjali fuq l-Afrika (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

18

2020/C 97/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-valur tal-użu reġa’ lura: aspettattivi u sfidi ġodda għall-prodotti u s-servizzi Ewropej (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

27

2020/C 97/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad — Pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

32

2020/C 97/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b’diżabilità 2020-2030: kontribut mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

41

2020/C 97/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

53


 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-548 sessjoni plenarja tal-KESE, 11.12.2019–12.12.2019

2020/C 97/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2018 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni(COM(2019) 339 final)

62

2020/C 97/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 rigward tad-dixxiplina finanzjarja mis-sena finanzjarja 2021 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri fir-rigward tas-sena kalendarja 2020(COM(2019) 580 — 2019/0253(COD))

69


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-548 sessjoni plenarja tal-KESE, 11.12.2019–12.12.2019

24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni/l-investiment privat u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli — kooperazzjoni mal-Kumitat ta’ Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/01)

Relatur:

Krister ANDERSSON

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

29.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-politiki dwar it-tassazzjoni huma fundamentali għall-SDGs billi jiddeterminaw l-ambjent ekonomiku li fih iseħħu l-investiment, l-impjiegi u l-innovazzjoni filwaqt li jipprovdu dħul lill-gvern biex jiffinanzja l-infiq pubbliku. Miżuri addizzjonali ta’ allinjament ta’ politika u li jtejbu l-kredibbiltà jistgħu jagħmlu ħafna biex iżidu l-investiment privat u biex tiġi elimata d-diskrepanza globali fl-investiment billi jistimulaw flussi ta’ kapital minn stati b’intensità ta’ kapital għal ekonomiji li qed jiżviluppaw bi bżonnijiet ta’ investiment.

1.2.

In-negozji jipprovdu oġġetti u servizzi ta’ valur fl-ekonomiji u huma muturi importanti ta’ investiment, produttività, tkabbir ekonomiku inklużiv u ħolqien ta’ impjiegi. Billi dawn l-organizzazzjonijiet huma diversi u jvarjaw minn SMEs għal kumpaniji multinazzjonali, huma riżorsa ewlenija ta’ għarfien espert, kreattività u innovazzjoni li jgħinu biex jiġu solvuti ħafna mill-isfidi ta’ żvilupp sostenibbli.

1.3.

Perċentwal għoli ta’ attività ekonomika informali tirriżulta f’bażijiet dojoq tat-taxxa, li jnaqqsu aktar il-potenzjal għall-ġbir tat-taxxa u jżidu d-distorjonijiet. Il-bażijiet tat-taxxa għandhom ikunu wesgħin kemm jista’ jkun biex b’hekk ir-rati tat-taxxa jkunu kemm jista’ jkun mhux distorsivi.

1.4.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li mobilizzazzjoni ta’ riżorsi domestiċi b’suċċess tirrikjedi li (1) id-deċiżjonijiet tat-taxxa jittieħdu b’mod miftuħ u trasparenti; (2) jiddaħħlu sistemi biex jiżguraw ir-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-membri parlamentari; (3) il-gvernijiet għandhom ikunu trasparenti bit-taxxi u l-infiq; u li (4) it-taxxi huma viżibbli.

1.5.

Is-settur privat għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-politiki dwar il-pagi kif ukoll it-taħriġ u l-edukazzjoni fuq il-post tax-xogħol huma importanti biex jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs bejn is-sessi, fil-progressjoni tal-karriera u fit-tkabbir professjonali. L-opportunitajiet marbuta mal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija globali huma kbar, u għandhom ikunu mutur għat-tkabbir ekonomiku inklużiv, l-innovazzjoni u l-produttività.

1.6.

Il-politiki relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata għandhom ifittxu li jippromovu, u mhux ixekklu, it-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ u l-investiment transfruntier. Fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-kumpaniji diġitalizzati, hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata metodoloġija ġdida għar-rabta u l-allokazzjoni tal-profitti biex jiġu ddeterminati d-drittijiet tat-tassazzjoni bejn il-pajjiżi tas-suq u l-pajjiż li fih jinsabu l-intrapriżi multinazzjonali diġitalizzati.

1.7.

Il-KESE jqis li huwa importanti li kwalunkwe regola ġdida dwar kif jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni bejn il-pajjiżi tkun ġusta kemm għall-pajjiżi konsumaturi żgħar kif ukoll għal dawk kbar, kif ukoll għall-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Għandha tkun rikonoxxuta rimunerazzjoni xierqa għall-kontributi magħmula f’termini ta’ innovazzjoni, intraprenditorija, eċċ. L-introjtu mit-taxxa korporattiva, għalkemm żgħir meta mqabbel mal-introjtu totali mit-taxxa, huwa importanti għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-iffinanzjar tal-infrastruttura, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa eċċ. meħtieġa.

1.8.

Il-KESE josserva li l-Istati Membri tal-UE huma fost dawk bl-aqwa prestazzjoni fl-SDGs. Il-Kumitat jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-passi biex jassiguraw sistemi fiskali u ta’ tassazzjoni sostenibbli sabiex jintlaħqu l-SDGs. L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livelli kollha huwa essenzjali sabiex jinkisbu l-SDGs, billi s-soċjetà ċivili tirrappreżenta partijiet ikkonċernati ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u ħafna mill-investimenti meħtieġa se jiġu mis-settur privat.

1.9.

Il-KESE jilqa’ l-Pjattaforma għall-Kollaborazzjoni dwar it-Taxxa, li hija inizjattiva konġunta tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Grupp tal-Bank Dinji (WBG), billi tiffaċilita l-interazzjonijiet bejn l-iffissar ta’ standards, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika fl-isfera tat-taxxa internazzjonali. Il-KESE jemmen li l-UE għandha wkoll tkun membru tal-Pjattaforma.

1.10.

Il-KESE jqis li l-ħidma fuq it-tassazzjoni/l-investiment privat u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli mill-Kumitat ta’ Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet Fiskali hija tal-akbar importanza biex id-djalogu globali javvanza u tikkontribwixxi ħafna għat-tagħlim bejn il-pari u għall-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili Ewropea għandha taqdi rwol attiv f’dan id-dibattitu internazzjonali kruċjali.

2.   Introduzzjoni għall-investiment, it-tassazzjoni u l-SDG

2.1.

L-Aġenda 2030 hija ffokata fuq 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (1) u 169 mira li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi ambjentali, politiċi u ekonomiċi li qed tiffaċċja d-dinja tagħna.

2.2.

Sabiex jintlaħqu l-Għanijiet, l-investiment privat jaqdi rwol importanti u l-allinjament ulterjuri tal-politiki ta’ investiment u ta’ dawk tat-taxxa jkun pass meħtieġ biex jiġu promossi l-investiment, il-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq livell globali. L-OECD diġà wettqet xi ħidma importanti f’din id-direzzjoni, bħall-proġett Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS) (2) u l-inizjattiva Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli (2018) (3).

2.3.

Il-politiki dwar it-tassazzjoni huma fundamentali għall-SDGs billi jiddeterminaw l-ambjent ekonomiku li fih isiru l-investiment, l-impjieg u l-innovazzjoni, filwaqt li jipprovdu lill-gvern bl-introjtu biex jiffinanzja l-infiq pubbliku. Miżuri addizzjonali ta’ allinjament ta’ politika u li jtejbu l-kredibbiltà jistgħu jagħmlu ħafna biex iżidu l-investiment privat u biex tiġi elimata d-diskrepanza globali fl-investiment billi jistimulaw flussi ta’ kapital minn stati b’intensità ta’ kapital għal ekonomiji li qed jiżviluppaw bi bżonnijiet ta’ investiment.

2.4.

L-indirizzar tal-evitar tat-taxxa u t-tnaqqis tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa fil-livell globali huma ta’ importanza kbira biex jintlaħqu l-SDGs. Fi żminijiet ta’ awsterità u restrizzjonijiet baġitarji, it-tnaqqis fid-dħul mit-taxxi mill-kumpaniji għandu effett negattiv fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali u jista’ jwassal għal tassazzjoni rigressiva jekk il-piż tat-taxxa jgħaddi fuq il-konsumaturi u l-ħaddiema b’introjtu baxx.

2.5.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma l-aktar fil-bżonn ta’ riżorsi għadhom qed jiffaċċjaw sfidi biex jiġbru t-taxxi. Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-kontribuzzjoni mit-taxxi fuq l-introjtu personali ħafna drabi hija baxxa, jiġifieri perċentwal żgħir biss tal-PDG, filwaqt li fil-pajjiżi żviluppati tikkostitwixxi l-biċċa l-kbira tad-dħul mit-taxxa, b’mod partikolari jekk jiġu inklużi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

2.6.

Kif jiġi amministrat u użat id-dħul mit-taxxa huwa importanti ħafna wkoll. Għandu jiġi nnutat li xi pajjiżi, b’mod partikolari l-pajjiżi Afrikani, jużaw 25–35 fil-mija aktar inputs kemm fis-settur tal-edukazzjoni kif ukoll tas-saħħa biex jipproduċu l-istess riżultati bħal pajjiżi aktar avvanzati u effiċjenti (4). Huwa għalhekk importanti li jiġi żgurat li n-nefqa pubblika tkun kosteffiċjenti.

3.   It-tassazzjoni bħala strument għall-ħarsien tal-ambjent

3.1.

Bosta mill-miri tal-SDG relatati mal-protezzjoni tal-klima jibbenefikaw mill-ħolqien ta’ qafas koerenti u pjan ta’ implimentazzjoni fil-qasam tat-taxxa għall-użu tar-riżorsi naturali. Il-politiki tat-taxxa ambjentali jistgħu jintużaw biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima (Għan 13) (5) u jipproteġu l-ekosistemi fl-oċean u fuq l-art (Għanijiet 14 u 15 (6)). Billi taffettwa l-istrutturi tal-ipprezzar tal-inputs, il-politika tat-taxxa tista’ tintuża biex tippromovi enerġija affordabbli u nadifa (Għan 7) (7) u tistimula użu responsabbli tar-riżorsi naturali komuni (Għan 12) (8).

3.2.

L-iskop tat-taxxi ambjentali, mil-lat ekonomiku, huwa li jikkoreġu l-esternalitajiet, jiġifieri, sitwazzjonijiet fejn dawk li jniġġsu jistgħu jittrasferixxu l-ispejjeż mill-ħsara lill-ambjent fuq is-soċjetà; eżempju huwa l-emissjoni ta’ gassijiet serra. Fit-tfassil ta’ dawn it-tipi ta’ taxxi, ikun ta’ benefiċċju kbir li jiġu involuti s-soċjetà ċivili u n-negozju fil-proċess billi dan jiżgura li politiki li jsaħħu l-oqfsa regolatorji jallinjaw l-inċentivi tas-settur privat ml-għanijiet pubbliċi (9).

3.3.

Eżempju ta’ taħlita ta’ politika fil-qasam tat-tassazzjoni jista’ jkun li jitnaqqsu s-sussidji fuq fjuwils fossili ineffiċjenti (mira 12.C) (10). Dan iwassal għal frankar baġitarju importanti għall-gvernijiet, filwaqt li jagħmel dawn it-tipi ta’ fjuwils inqas attraenti għan-negozji u l-konsumaturi. Dan l-iffrankar, jekk jiġi dirett mill-ġdid lejn żieda fis-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-provvista globali tal-enerġija (mira 7.2) (11), jista’ jappoġġja aċċess universali għall-enerġija nadifa (mira 7.1) (12). Jekk jiġu implimentati politiki addizzjonali biex jistimulaw investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija nadifa (mira 7.B) (13), dan jiffaċilita s-separazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni tal-ambjent (mira 8.4) (14).

3.4.

Il-prinċipju tal-allinjament tal-inċentivi tan-negozju mal-għanijiet pubbliċi huwa konformi mal-Aġenda ta’ Azzjoni Addis Ababa (15), li permezz tagħha n-negozji ġew imħeġġa jħaddnu mudell ta’ negozju ewlieni li jqis l-impatti ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-attivitajiet tagħhom. In-negozji jipprovdu oġġetti u servizzi ta’ valur fl-ekonomiji u huma muturi importanti ta’ investiment, produttività, tkabbir ekonomiku inklużiv u ħolqien ta’ impjiegi. Minħabba li n-negozji huma diversi u jvarjaw minn SMEs għal kumpaniji multinazzjonali, huma riżorsa ewlenija ta’ għarfien espert, kreattività u innovazzjoni li jgħinu biex jiġu solvuti ħafna mill-isfidi ta’ żvilupp sostenibbli. Sabiex jintlaħqu l-SDGs dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, is-settur privat għandu jaderixxi ma’ kodiċi ta’ kondotta jkun iżid b’mod sinifikanti l-investimenti ekoloġiċi u jnaqqas jew jelimina investimenti b’effetti negattivi fuq l-ambjent.

3.5.

Meta titqies l-interkonnessjoni tal-SDGs, l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa vitali biex jiġi żgurat li l-iżvilupp sostenibbli bi tliet dimensjonijiet (ekonomiku, soċjali u ambjentali) huwa rifless fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki. It-taxxi ambjentali ġew tradizzjonalment identifikati bħala rigressivi, jiġifieri li għandhom impatt ikbar fuq unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. B’konsegwenza ta’ dan, huwa importanti li jiġi żgurat li l-politiki jibqgħu soċjalment sostenibbli.

3.6.

Il-KESE ma jappoġġax tassazzjoni ta’ natura arbitrarja li taffettwa ħażin lill-foqra u lil dawk inqas sinjuri fis-soċjetà u tħalli impatt sproporzjonat fuqhom u li bl-istess mod iddgħajjef diversi Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Pereżempju, iż-żieda sostanzjali tat-taxxi fuq oġġetti u servizzi fejn m’hemmx alternattivi vijabbli tkun biss piż mingħajr ma jinkisbu l-objettivi tagħha.

3.7.

Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-SDG u fl-iżgurar ta’ miżuri soċjalment aċċettabbli kif ukoll biex jindikaw il-ħtieġa li jiġu riveduti l-indikaturi (16).

3.8.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex jiġi żgurat li kemm il-fondi privati kif ukoll dawk pubbliċi jiġu diretti lejn l-investimenti sostenibbli fit-tul meħtieġa għal ekonomija sostenibbli (17).

4.   It-tassazzjoni tal-ekonomija informali

4.1.

Sabiex jiġu ffinanzjati l-investiment pubbliku u l-infiq pubbliku meħtieġ biex jintlaħqu l-SDGs, huwa importanti li titwessa’ l-bażi tat-taxxa tal-gvernijiet billi tiġi ntaxxata l-ekonomija informali. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, iktar minn 61 % tal-ħaddiema globali (2 biljun persuna) jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-settur informali, bi 93 % tal-impjiegi informali mad-dinja kollha jkunu kkonċentrati fil-pajjiżi emerġenti u dawk li qed jiżviluppaw. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li jitfasslu politiki tat-taxxa u qafas istituzzjonali li jippermettu l-integrazzjoni tas-settur informali fl-ekonomija formali.

4.2.

Ir-rwol prominenti tal-ekonomija informali, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ifisser li l-attivitajiet ekonomiċi ta’ kuljum taċ-ċittadini u n-negozju jibqgħu barra l-bażi tat-taxxa. F’ħafna każijiet, l-għażla li wieħed jopera barra mill-ekonomija formali mhijiex għażla attiva, iżda pjuttost l-unika alternattiva prattika għad-ditti u l-ħaddiema li jew ma jistgħux jaċċessaw is-settur formali, jew li ġew esklużi minnu. L-inklużjoni tal-ekonomija informali għandha tiġi promossa permezz ta’ istituzzjonijiet effettivi (mira 16.A u 16.6) (18) li jippermettu lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-konsumaturi jikkontribwixxu għall-bażi tat-taxxa tal-istat, filwaqt li jibbenefikaw minn protezzjoni soċjali u servizzi. B’mod partikolari, il-ġustizzja, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tat-taxxa għandhom ikunu prijorità bħala prekundizzjoni għal żvilupp sostenibbli.

4.3.

Bosta kumpaniji jkunu lesti li jifformalizzaw l-attivitajiet tagħhom, peress li l-SMEs li joperaw barra mill-ekonomija formali jiffaċċjaw ħafna spejjeż moħbija u l-kumpaniji li jifformalizzaw ikollhom ħafna benefiċċji. Il-benefiċċji relatati mal-formalizzazzjoni tal-attivitajiet jinkludu aċċess aktar faċli għall-kreditu u strumenti finanzjarji oħra (Mira 8.10) (19), programmi ta’ taħriġ u appoġġ, kuntratti ta’ akkwist pubbliku, drittijiet tal-propjetà, kif ukoll il-possibbiltà ta’ involviment ta’ ditti ikbar. L-ispejjeż marbuta mal-formalizzazzjoni huma l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni u l-liċenzji, l-ispejjeż tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, l-ispiża tal-konformità mal-liġijiet tax-xogħol u regolamenti oħra tal-gvern. Billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri tar-reġistrazzjoni, tal-liċenzjar u tal-amministrazzjoni ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa, il-kumpaniji jkollhom inċentiva biex jifformalizzaw l-attivitajiet tagħhom.

4.4.

F’ħafna sitwazzjonijiet fejn l-ekonomija informali hija mifruxa ħafna, kontribut importanti għal dan il-proċess jista’ jiġi minn kumpaniji b’mod ġenerali u kultant b’mod partikolari minn intrapriżi kooperattivi, li jippermettu lil ħafna nies mingħajr riżorsi ekonomiċi jibdew attivitajiet ekonomiċi u intraprenditorjali, anke b’injezzjoni ta’ kapital minima.

4.5.

L-inkoraġġiment tal-formalizzazzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs ikun jippermetti li jiġu implimentati politiki li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ impjiegi u l-intrapriżi li qed jikbru (mira 8.5) (20). Għandhom jiġu mħarsa r-regolamenti tas-suq tax-xogħol biex jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (Mira 8.5). Bl-istess mod, sorveljanza akbar u kontroll regolari fuq l-attività ekonomika jippermettu lill-gvernijiet jadottaw politiki, speċjalment politiki fiskali, tas-salarji u dawk ta’ protezzjoni soċjali li progressivament jiksbu ugwaljanza ikbar (mira 10.4).

4.6.

Filwaqt li l-benefiċċji ta’ sistema li tiffunzjona għall-ġbir tat-taxxa huma evidenti, jibqgħu l-isfidi fil-mod kif jiġu implimentati l-bidliet meħtieġa biex tiżdied il-kapaċità tal-Istati f’dan ir-rigward. L-esperjenzi wrew li ħafna mill-isforzi li saru b’rabta ma’ dan il-għan spiss irriżultaw f’distorsjonijiet, f’rendimenti baxxi, f’spejjeż għoljin ta’ ġbir, fi sfidi ta’ infurzar u anke f’delokalizzazzjoni tal-kapital mill-pajjiż. Meta jitqies li ħafna stati li qed jiżviluppaw għandhom mezzi mnaqqsa, għandhom jiġu prijorizzati miżuri li jtejbu l-effiċjenza amministrattiva u l-effettività tas-sistemi tat-taxxa. Is-settur privat jista’ joffri assistenza fil-bini tal-kapaċitajiet, billi jittrasferixxi esperjenzi minn pajjiżi u ekonomiji żviluppati ħafna (21).

4.7.

L-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ta’ konformità għandhom jiġu kkunsidrati meta l-gvernijiet jippruvaw jagħlqu kwalunkwe lakuna fid-dħul, kemm jekk minn taxxi diretti kif ukoll jekk minn dawk indiretti. Għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lis-sitwazzjoni ta’ dawk li għandhom introjtu baxx u lit-tqassim tal-piż tat-taxxa bejn il-livelli tal-introjtu. Iż-żieda tal-inugwaljanzi tista’ tipperikola l-moral fiskali. Il-Kumitat jaħseb li sistema tat-taxxa progressiva mfassla tajjeb tista’ tassigura distribuzzjoni ġusta tal-piż tat-taxxa u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u t-tnaqqis tal-faqar.

4.8.

Perċentwal għoli ta’ attività ekonomika informali tirriżulta f’bażijiet dojoq tat-taxxa, li jnaqqsu aktar il-potenzjal għall-ġbir tat-taxxa u jżidu d-distorjonijiet. Huwa importanti li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jiġu mobilizzati riżorsi biex jitjieb il-ġbir tad-dħul domestiku (Mira 17.1) (22) u biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Il-pajjiżi għandhom bżonn itejbu l-kooperazzjoni tagħhom kontra flussi finanzjarji illeċiti u l-UE għandha tikkunsidra li jkollha lista kkoordinata ta’ kontromiżuri possibbli.

4.9.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li mobilizzazzjoni ta’ riżorsi domestiċi b’suċċess tirrikjedi li (1) id-deċiżjonijiet tat-taxxa jittieħdu b’mod miftuħ u trasparenti; (2) jiddaħħlu sistemi biex jiżguraw ir-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-membri parlamentari; (3) il-gvernijiet ikunu trasparenti bit-taxxi u l-infiq; u li (4) it-taxxi huma viżibbli (23).

5.   Tassazzjoni u ugwaljanza bejn is-sessi

5.1.

L-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 5 jimmira li jtemm kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u jippromovi politiki għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet. Prekundizzjoni għall-emanċipazzjoni tan-nisa hija li jiġu assigurati drittijiet ugwali għar-riżorsi ekonomiċi, kif ukoll l-aċċess għas-sjieda u l-kontroll fuq l-art u forom oħra ta’ proprjetà, servizzi finanzjarji, wirt u riżorsi naturali (mira 5.A) (24). Billi tiġi mfittxija l-emanċipazzjoni ekonomika għan-nisa, tiġi promossa l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tan-nisa u jittejbu l-opportunitajiet indaqs għat-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika, ekonomika u pubblika (mira 5.5) (25). Billi jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-garanzija tad-drittijiet ekonomiċi tan-nisa ssaħħaħ ukoll l-SDGs l-oħra, bħall-Għan 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku) u l-Għan 16 (ġustizzja għall-paċi u istituzzjonijiet b’saħħithom).

5.2.

Is-settur privat għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-politiki dwar il-pagi kif ukoll it-taħriġ u l-edukazzjoni fuq il-post tax-xogħol huma importanti biex jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs bejn is-sessi, fil-progressjoni tal-karriera u fit-tkabbir professjonali. L-opportunitajiet marbuta mal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija globali huma kbar u għandhom ikunu mutur għat-tkabbir ekonomiku inklużiv, l-innovazzjoni u l-produttività.

5.3.

Hemm rabta importanti bejn it-tnaqqis tas-settur informali u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Meta l-kumpaniji ma jħallsux taxxi, dan ifisser li l-amministrazzjoni pubblika (l-istat, reġjonali u lokali) ser ikollha inqas fondi għas-servizzi pubbliċi, l-infrastruttura sostenibbli u l-protezzjoni soċjali, li huma importanti għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Mingħajr infiq soċjali xieraq u infrastruttura adegwata ser ibatu l-foqra, u ta’ spiss in-nisa b’mod partikolari.

6.   It-tassazzjoni fl-ekonomija diġitalizzata

6.1.

Id-diġitalizzazzjoni rapida tal-ekonomija hija mutur importanti għat-tkabbir ekonomiku globali. Tippermetti wkoll ġbir ta’ informazzjoni aktar effettiv għall-awtoritajiet tat-taxxa u servizz imtejjeb għall-kontribwenti. Madankollu, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji qajmet il-kwistjoni ta’ fejn jinkisbu u jinħolqu l-introjtu u l-profitti u kif jitqassmu bejn il-pajjiżi. Is-servizzi diġitali jistgħu jiġu fornuti mill-bogħod, mingħajr l-ebda preżenza fiżika fil-ġurisdizzjoni tas-suq fejn isir il-konsum.

6.2.

Il-politiki relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata għandhom ifittxu li jippromovu, u mhux ixekklu, it-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ u l-investiment transfruntier. Fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-kumpaniji diġitalizzati, hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata metodoloġija ġdida għar-rabta u l-allokazzjoni tal-profitt biex jiġu ddeterminati d-drittijiet tat-tassazzjoni bejn il-pajjiżi tas-suq u l-pajjiż li fih jinsabu l-intrapriżi multinazzjonali diġitalizzati (26).

6.3.

Dan jirrikjedi li tinstab soluzzjoni aċċettata internazzjonalment għal kif jiġu ntaxxati dawn il-mudelli ta’ negozju ġodda, filwaqt li jitqiesu l-bżonnijiet kemm tal-pajjiżi żviluppati kif ukoll tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (27). Sabiex jiġi implimentat kwalunkwe mudell ta’ tassazzjoni fl-ekonomija diġitalizzata, għandu jiġi stabbilit qafas għal kooperazzjoni intensifikata bejn l-amministrazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, kif ukoll mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni għal tilwim b’diversi partijiet.

6.4.

Ir-Rapport Interim mill-OECD, Tax Challenges Arising from Digitalisation – Interim Report 2018 (L-Isfidi tat-Taxxa li Jirriżultaw mid-Diġitalizzazzjoni — Rapport Interim tal-2018) (Marzu, 2018) (28) jistabbilixxi d-direzzjoni miftiehma tal-Qafas Inklużiv (29) b’rabta max-xogħol fuq id-diġitalizzazzjoni u r-regoli tat-taxxa internazzjonali sal-2020. Dan jiddeskrivi kif id-diġitalizzazzjoni qed taffettwa wkoll oqsma oħra tas-sistema tat-taxxa, billi tipprovdi lill-awtoritajiet tat-taxxa għodod ġodda li qed jissarfu f’titjib fis-servizzi tal-kontribwenti, filwaqt li qed ittejjeb l-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa u qed tidentifika l-evażjoni tat-taxxa. Rapport finali mill-Qafas Inklużiv/OECD huwa mistenni fl-2020.

6.5.

Il-KESE jqis li huwa importanti li kwalunkwe regola ġdida dwar kif jiġu allokati d-drittijiet tat-tassazzjoni bejn il-pajjiżi tkun ġusta kemm għall-pajjiżi konsumaturi żgħar kif ukoll għal dawk kbar, kif ukoll għall-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Għandha tkun rikonoxxuta rimunerazzjoni xierqa għall-kontributi magħmula f’termini ta’ innovazzjoni, intraprenditorija, eċċ. Id-dħul mit-taxxa korporattiva, għalkemm żgħir fir-rigward tad-dħul totali mit-taxxa, huwa importanti għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u l-iffinanzjar tal-infrastruttura, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa eċċ. meħtieġa.

7.   Ir-rwol tal-investiment privat biex jitwettqu l-SDGs

7.1.

Il-KESE jinnota li għal ħafna mill-SDGs, l-Istati Membri tal-UE huma fost dawk bl-aqwa prestazzjoni. Il-Kumitat jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-passi biex jassiguraw sistemi fiskali u ta’ tassazzjoni validi għall-futur sabiex jintlaħqu l-SDGs.

7.2.

L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livelli kollha huwa essenzjali sabiex jinkisbu l-SDGs, billi s-soċjetà ċivili tirrappreżenta partijiet ikkonċernati ewlenin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u ħafna mill-investimenti meħtieġa se jiġu mis-settur privat.

7.3.

In-negozji huma muturi globali tal-produttività, it-tkabbir ekonomiku inklużiv, il-ħolqien ta’ impjiegi, l-investiment u l-innovazzjoni. L-għarfien espert tas-settur privat huwa kruċjali biex jiftaħ l-isfidi marbuta mal-iżvilupp sostenibbli.

7.4.

L-investiment, inkluż l-investiment dirett barrani (IDB), għandu rwol importanti fil-qerda tal-faqar, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-iżgurar ta’ tkabbir sostenibbli inklużiv (30). Pereżempju, il-ksib tal-Għan 8 (31) jeħtieġ aktar investiment mis-settur privat. L-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa (2015) tirrikonoxxi dan billi tiddikjara li “l-attività kummerċjali privata, l-investiment u l-innovazzjoni huma muturi ewlenin tal-produttività, it-tkabbir ekonomiku inklużiv u l-ħolqien ta’ impjiegi.”

7.5.

Il-KESE jenfasizza li regoli tat-taxxa prevedibbli huma essenzjali għall-kummerċ transfruntier, l-investiment fin-negozju, ix-xogħol u t-tkabbir. It-trattati ta’ taxxa fuq l-introjtu jistgħu jgħinu l-kummerċ jikber billi jipprovdu aktar ċertezza għan-negozji, inaqqsu t-taxxa doppja u jipprovdu mekkaniżmu biex jiġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Il-gvernijiet għandhom jaqblu dwar forom aċċettabbli ta’ kompetizzjoni fiskali u n-negozji jridu jaderixxu mar-regoli u l-prinċipji miftiehma minn u bejn il-pajjiżi.

7.6.

Dan l-aħħar, l-OECD u l-FMI ħarġu rapport konġunt dwar iċ-ċertezza tat-taxxa bħala tweġiba għal tħassib akbar espress mill-mexxejja tal-G20 dwar inċertezza fi kwistjonijiet ta’ taxxa u l-impatt tagħha fuq il-kummerċ u l-investiment transfruntier, speċjalment fil-kuntest tat-tassazzjoni internazzjonali.

7.7.

Ir-rapport tal-2018 dwar il-Pagament tat-Taxxi tal-Bank Dinji (32) jinnota li għal ħafna negozji f’pajjiżi li qed jiżviluppaw il-piż tat-taxxa huwa diġà għoli. Pereżempju, fl-Afrika sub-Saħarjana, il-kumpaniji ta’ daqs medju jiffaċċjaw rati ta’ taxxa effettivi seba’ punti perċentwali ogħla mill-medja dinjija. Il-politiki fiskali li jippromovu l-investiment u l-innovazzjoni, b’mod partikolari fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw, ikunu utli biex jattiraw l-investiment dirett barrani (IDB), li konsegwentement jipprovdi opportunitajiet għal xogħol deċenti, innovazzjoni u produttività akbar sabiex jiżdied b’mod effettiv il-prodott domestiku gross tal-pajjiżi.

7.8.

Il-kumpaniji għandhom bżonn ikunu trasparenti lejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-għan ewlieni tar-rappurtar ta’ pajjiż b’pajjiż huwa, skont l-OECD, li tiġi żviluppata għodda ta’ stima tar-riskju ta’ livell għoli li tipprovdi lill-awtoritajiet tat-taxxa b’ħarsa ġenerali aħjar lejn l-attivitajiet globali u t-taxxi mħallsa tal-kumpaniji multinazzjonali, filwaqt li ma tkunx espressament il-bażi tat-tassazzjoni nnifisha. Barra minn hekk, hemm ukoll bżonn ta’ trasparenza akbar mill-gvernijiet fir-rigward ta’ kemm tinġabar taxxa u kif tintefaq.

7.9.

Xi kultant hemm kunċett żbaljat li l-finanzjament għall-iżvilupp jista’ jiġi ffinanzjat kompletament jew primarjament billi “jiġu miġġielda l-prattiki tat-taxxa dubjużi ta’ intrapriżi multinazzjonali.” Stimi parzjali tal-OECD jindikaw li l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt minn kumpaniji multinazzjonali ammontaw għal USD 100-240 biljun qabel ma ġiet adottata kwalunkwe kontromiżura (33). Fl-UE, l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt kienu stmati li huma 0,3 fil-mija tal-PDG (34). Filwaqt li dan l-ammont huwa sinifikanti, mhuwiex biżżejjed biex jiffinanzja l-implimentazzjoni tal-SDGs. Barra minn hekk, dan id-dħul x’aktarx ma jakkumulax għal dawk il-pajjiżi l-aktar li għandhom bżonn fondi ta’ żvilupp. L-aktar sors importanti ta’ dħul għall-finanzjament tal-SDGs huwa t-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Għalhekk, hemm bżonn ta’ politiki tat-taxxa li jinkoraġġixxu tkabbir ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

7.10.

Il-KESE jilqa’ l-Pjattaforma għall-Kollaborazzjoni dwar it-Taxxa, li hija inizjattiva konġunta tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Grupp tal-Bank Dinji (WBG), billi tiffaċilita l-interazzjonijiet bejn l-iffissar ta’ standards, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika fl-isfera tat-taxxa internazzjonali. Il-KESE jemmen li l-UE għandha wkoll tkun membru tal-Pjattaforma.

7.11.

Il-KESE jqis li l-ħidma fuq it-tassazzjoni/l-investiment privat u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli mill-Kumitat ta’ Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet Fiskali hija tal-akbar importanza biex id-djalogu globali javvanza u tikkontribwixxi ħafna għat-tagħlim bejn il-pari u għall-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili Ewropea għandha taqdi rwol attiv f’dan id-dibattitu internazzjonali kruċjali.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  https://sustainabledevelopment.un.org/topics/sustainabledevelopmentgoals.

(2)  http://www.oecd.org/tax/beps/.

(3)  http://www.oecd.org/publications/policy-coherence-for-sustainable-development-2018-9789264301061-en.htm.

(4)  https://openknowledge.worldbank.org/bitstream/handle/10986/8325/wps3645.pdf?sequence=1&isAllowed=y

(5)  Għan 13 – Tittieħed azzjoni urġenti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

(6)  Għan 14 – Jiġu kkonservati u użati b’mod sostenibbli l-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għal żvilupp sostenibbli; Għan 15 – Jiġi mħares, irrestawrat u promoss l-użu sostenibbli ta’ ekosistemi terrestri, jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli l-foresti, tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni u titwaqqaf u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità.

(7)  Għan 7 – Jiġi żgurat aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd.

(8)  Għan 12 – Jiġu żgurati mudelli ta’ tendenzi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli.

(9)  Għal aktar informazzjoni, ara l-“Business Charter for Sustainable Development – Business Contributions to the Sustainable Development Goals” (Il-Karta Kummerċjali għall-Iżvilupp Sostenibbli – Il-Kontributi tan-Negozju għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli) tal-ICC https://iccwbo.org/content/uploads/sites/3/2015/09/ICC-Business-Charter-for-Sustainable-Development-Business-contributions-to-the-UN-Sustainable-Development-Goals.pdf

(10)  12 c – Razzjonalizzazzjoni tas-sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jinkoraġġixxu l-konsum ħali billi jitneħħew id-distorsjonijiet tas-suq, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, inkluż bir-ristrutturar tat-tassazzjoni u t-tneħħija gradwali ta’ dawk is-sussidji ta’ ħsara, fejn jeżistu, biex jirriflettu l-impatti ambjentali tagħhom, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet speċifiċi u kundizzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppawu jimminimizzaw l-impatti ħżiena possibbli fuq l-iżvilupp tagħhom b’mod li jipproteġi lill-foqra u ‘l-komunitajiet affettwati.

(11)  7.2 – Sal-2030, jiżdied sostanzjalment is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija globali.

(12)  7.1 – Sal-2030, jiġi żgurat aċċess universali għas-servizzi tal-enerġija affordabbli, affidabbli u moderni.

(13)  7.b – Sal-2030, tiġi estiża l-infrastruttura u tittejjeb it-teknoloġija għall-forniment ta’ servizzi ta’ enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari l-pajjiżi l-inqas żviluppati, l-Istati li qed jiżviluppaw tal-gżejjer żgħar, u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw imdawrin bl-art, skont il-programmi ta’ appoġġ rispettivi tagħhom.

(14)  8.4 – Tittejjeb b’mod progressiv, sal-2030, l-effiċjenza globali fir-riżorsi fil-konsum u l-produzzjoni u jkun hemm sforz biex jinfirdu t-tkabbir ekonomiku u d-degradazzjoni tal-ambjent, skont il-qafas ta’ għaxar snin ta’ programmi dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, bil-pajjiżi żviluppati bħala mexxejja.

(15)  https://sustainabledevelopment.un.org/index.php?page=view&type=400&nr=2051&menu=35

(16)  Opinjoni tal-KESE li għadha qed titfassal dwar L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu (għadha mhux ippubblikata), punt 1.10 – Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għal “riforma fiskali ekoloġika” fl-Istati Membri tal-UE li jgħin fl-allinjament tat-tassazzjoni, tas-sussidji u tal-politiki distributtivi minn qabel bil-għan li tintlaħaq tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija tal-benesseri.

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli” (ĠU C 345, 13.10.2017, p. 91).

(18)  16 a – Tisħiħ tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali, għall-bini tal-kapaċitajiet fil-livelli kollha, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jipprevjenu l-vjolenza u jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità.

16.6 – L-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u trasparenti fil-livelli kollha.

(19)  8.10 – Tisħiħ tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji domestiċi biex jinkoraġġixxi u jespandu l-aċċess għas-servizzi tal-bank, tal-assigurazzjoni u dawk finanzjarji għal kulħadd.

(20)  8.5 – Sal-2030, jinkisbu impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għan-nisa u l-irġiel kollha, inkluż għaż-żgħażagħ u għall-persuni b’diżabilità, u paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali.

(21)  Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ta bidu għal tali programm.

(22)  17.1 – Tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, inkluż permezz ta’ appoġġ internazzjonali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex tittejjeb il-kapaċità domestika għat-taxxa u ġbir ieħor ta’ dħul.

(23)  Tista’ ssib diskussjoni ta’ xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet fl-artiklu Promoting Tax Bargains in Uganda and Beyond: The Importance of Civil Society and Parliamentarians (Il-Promozzjoni ta’ Negozjar tat-Taxxa fl-Uganda u lil Hinn: L-Importanza tas-Soċjetà Ċivili u tal-Membri Parlamentari).

(24)  5.a – Twettiq ta’ riformi biex in-nisa jingħataw drittijiet ugwali għar-riżorsi ekonomiċi, kif ukoll aċċess għas-sjieda u kontroll fuq l-art u forom oħra ta’ proprjetà, servizzi finanzjarji, wirt u riżorsi naturali, skont il-liġijiet nazzjonali.

(25)  5.5 – Żgurar tal-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tan-nisa u opportunitajiet ugwali għat-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika, ekonomika u pubblika.

(26)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 17).

(27)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-profitti fl-ekonomija diġitali (ĠU C 367 10.10.2018, p 73) u It-tassazzjoni fl-ekonomija diġitalizzata (ĠU C 353, 18.10.2019, p.17).

(28)  http://www.oecd.org/tax/tax-challenges-arising-from-digitalisation-interim-report-9789264293083-en.htm

(29)  Il-Qafas Inklużiv tal-OECD.

(30)  Ara l-Karta tan-Negozju għal Żvilupp Sostenibbli (Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, 2015).

(31)  Għan 8 – Il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd.

(32)  https://www.doingbusiness.org/en/reports/thematic-reports/paying-taxes

(33)  Ir-rapport tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (2015), OECD.

(34)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Tassazzjoni – votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata” (ĠU C 353, 18.10.2019, p. 90).


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Trattat vinkolanti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/02)

Relatur:

Thomas WAGNSONNER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

28.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

136/23/12

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Konklużjonijiet

1.1.

Il-KESE japprova bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem bħala bażi universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti, interrelatata u, għalhekk, bażi obbligatorja għal kull involviment tas-soċjetà. Id-drittijiet tal-bniedem huma s-sisien għall-ġid tal-Ewropa u għal ħajja paċifika. Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem soċjali u politiċi kollha jridu jiggarantixxu livell ta’ għajxien deċenti għall-persuni kollha u li l-ksur tagħhom ma jridx iwassal għal profitti mhux iġġustifikati.

1.2.

Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jista’ jiġi evitat aħjar meta jkun hemm standard vinkolanti miftiehem internazzjonalment, imfassal biex jiġi implimentat u mħares mill-Istati. Il-KESE jilqa’ approċċ li jirrikonoxxi li huwa d-dmir tal-Istati li jipproteġu, jippromovu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem u li n-negozji jridu jirrispettaw dawn id-drittijiet.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test attwali jikkunsidra kwistjonijiet sostantivi proposti mill-UE, bħar-rakkomandazzjonijiet tagħha biex il-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi n-negozji kollha u għal allinjament kunċettwali aktar b’saħħtu mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs). Ir-regoli għandhom jinbnew b’mod koerenti mas-sistemi ta’ diliġenza dovuta eżistenti, b’mod speċjali l-UNGPs, biex tiġi faċilitata implimentazzjoni aktar faċli u biex jiġu evitati s-sensji.

1.4.

Billi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz ta’ trattat, ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE, issa jinkludi l-attivitajiet tan-negozju kollha, irrispettivament, b’mod ġenerali, mid-daqs, il-KESE jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu miżuri biex jappoġġjaw in-negozji bl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, li jistgħu jkunu bbażati fuq l-impenji volontarji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva eżistenti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ attivitajiet internazzjonali. Il-KESE jirrikonoxxi d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-miżuri previsti f’dan it-trattat għall-SMEs, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw b’mod qawwi lill-SMEs u jiffaċilitaw oqfsa prattiċi biex ikunu jistgħu jiżguraw li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet tagħhom.

1.5.

Il-KESE jenfasizza li miżuri mhux vinkolanti u vinkolanti ma jeskludux lil xulxin, iżda għandhom jikkomplementaw lil xulxin.

1.6.

Sistemi bħal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Istandards ta’ Rapportar tal-UNGP juru li diġà hemm modi prattiċi kif jiġu implimentati standards ta’ mġiba stretti tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tan-negozju. In-negozji li diġà impenjaw ruħhom għal dawk l-istandards ma għandhomx iġarrbu piżijiet addizzjonali. Biex ikun evitat li jkun hemm sensji, il-protokoll fakultattiv previst fil-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni għandu jqis is-sistema tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-OECD, li jkollhom jiġu adattati biex jiġu appoġġjati regoli vinkolanti, jew istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem nazzjonali eżistenti (NHRIs) oħrajn.

1.7.

Minkejja progress kbir milqugħ tajjeb ħafna, b’mod speċjali fl-Ewropa, fir-rigward tal-linji gwida mhux vinkolanti għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju (eż. UNGPs, Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali), trattat vinkolanti huwa importanti għal dawk in-negozji li għadhom mhumiex qed jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-serjetà. B’dan il-mod, l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem uniformi madwar id-dinja, il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli kif ukoll l-aċċess ġust u effettiv għall-ġustizzja se jkunu żgurati għall-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju. Dan se jservi wkoll biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, tinħoloq iċ-ċertezza legali u kompetizzjoni globali aktar ġusta.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li forum wieħed (1) li jwettaq proċedimenti ġusti għandu jkollu ġurisdizzjoni, b’mod partikolari meta ma jkunx ċar jekk kumpanija omm, waħda mis-sussidjarji tagħha jew fornitur ikunux potenzjalment responsabbli, anke jekk il-kumpaniji jkunu jinstabu f’pajjiżi differenti. Il-KESE jenfasizza li permezz tad-dispożizzjoni b’saħħitha rigward assistenza legali reċiproka, il-forum shopping jista’ jiġi evitat.

1.9.

Il-KESE jemmen li għandha titkompla l-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv Miftuħ. Għaldaqstant, il-KESE jinsab lest li jagħti kontribut bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jafferma li d-djalogu soċjali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

Rakkomandazzjonijiet

1.10.

Fl-interess tat-tisħiħ ulterjuri u t-trawwim tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għan-negozji abbażi ta’ standards koerenti u stretti madwar id-dinja, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropew u l-Kunsill Ewropew, u lill-Istati Membri, jappoġġjaw il-proċess kontinwu tat-trattat attwali u jinvolvu ruħhom b’mod kostruttiv fin-negozjati.

1.11.

L-abbozz attwali għandu potenzjal għal titjib sostantiv li jrid jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni Ewropea teħtieġ mandat ċar biex tikkoordina l-involviment Ewropew meħtieġ.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-flessibbiltà bejn regoli proporzjonati iżda li ma jitfgħux piż żejjed fuq l-SMEs, minn naħa waħda, u regoli aktar stretti għal industriji ta’ riskju għoli min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, l-UE għandha toffri strumenti ta’ appoġġ speċjali biex jgħinu lill-SMEs jimmaniġġjaw l-isfidi ta’ trattat bħal dan (eż. aġenzija, appoġġ għal tagħlim bejn il-pari).

1.13.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew (PE) (2), b’mod partikolari t-talbiet tiegħu għal impenn sħiħ għall-iżvilupp ta’ strument vinkolanti, u b’mod speċifiku l-ħtieġa għal mekkaniżmu internazzjonali ta’ tressiq ta’ lmenti u monitoraġġ. Il-KESE jinnota li hemm sistemi internazzjonali, bħall-proċedura tal-ilmenti fl-ILO, li jistgħu jservu bħala mudell għal infurzar internazzjonali aktar ambizzjuż, peress li r-regoli vinkolanti ma jkunux effettivi mingħajr involviment b’saħħtu mill-Istati u mekkaniżmi ta’ infurzar.

1.14.

Għandhom jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali, fejn mhux diġà żviluppati, biex tiġi implimentata d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u għandu jkun hemm ukoll pjan ta’ azzjoni Ewropew. Is-soċjetà ċivili organizzata jeħtiġilha tkun involuta fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-pjani ta’ azzjoni.

1.15.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tistudja l-fattibbiltà ta’ “Aġenzija tal-UE għall-Klassifikazzjoni Pubblika” għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju.

1.16.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm mekkaniżmu internazzjonali b’saħħtu ta’ monitoraġġ u infurzar, bil-possibbiltà li jitressqu lmenti quddiem tribunal internazzjonali. Barra minn hekk, għandu jkun hemm uffiċjal indipendenti tan-NU (ombudsperson) għall-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestiga u jappoġġja t-talbiet tagħhom fejn meħtieġ, li jsegwi b’mod indipendenti l-ksur allegat u jġibu għall-attenzjoni tal-kumitat.

1.17.

L-abbozz jinkludi definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ drittijiet tal-bniedem. Referenza fil-preambolu tal-abbozz ta’ trattat għad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) għandha tinkludihom bħala fundamentali għall-interpretazzjoni tagħha. B’mod partikolari, id-drittijiet tal-bniedem — bħad-dritt għal ambjent b’saħħtu, l-edukazzjoni u l-protezzjoni tad-data — jridu jiġu msemmija u inklużi b’mod aktar espliċitu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat.

1.18.

L-abbozz diġà jipprevedi għażla ta’ ġurisdizzjonijiet kompetenti, li teħtieġ aktar irfinar, u għaldaqstant, il-KESE jikkunsidra li, meta kumpanija tkun involuta permezz tal-attivitajiet tan-negozju tagħha fi ktajjen tal-provvista transnazzjonali, għandu jkun żgurat li l-ġurisdizzjoni tkun tista’ tiġi affermata fil-pajjiż ta’ domiċilju tagħha. Għandu jkun ċar ukoll li sussidjarji u fornituri lokali jistgħu jiġu mħarrka jew għall-inqas jiġu miżjuda ma’ talbiet fil-pajjiż ta’ domiċilju tal-kumpanija omm jew tal-kumpanija riċeventi.

1.19.

Il-KESE jinnota l-importanza tax-xhieda u r-rwol tal-informaturi. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet protettivi inklużi fl-abbozz ta’ test attwali. L-NGOs li qed jaħdmu f’dan il-qasam għandhom jiġu appoġġjati.

1.20.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm kjarifika dwar l-interazzjoni bejn id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà, inklużi dispożizzjonijiet ċari u prattiċi biex jiġi żgurat li d-diliġenza dovuta tinkorpora monitoraġġ kontinwu fil-ktajjen tal-provvista, flimkien mar-responsabbiltà rispettiva, f’każ li tfalli. Kjarifika ulterjuri għandha tibni fuq il-kunċetti diġà żviluppati għall-UNGPs.

1.21.

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm responsabbiltà penali f’każijiet ta’ negliġenza gravi. Fil-każ ta’ reati inqas serji, bħan-negliġenza tad-dmir li wieħed jirrapporta b’mod regolari, għandha tiġi prevista r-responsabbiltà amministrattiva.

1.22.

L-abbozz ta’ test jinkludi dispożizzjoni dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi fir-responsabbiltà ċivili, li għandha tiġi ċċarata biex tiżgura applikazzjoni konsistenti fil-ġurisdizzjonijiet kollha u biex tiżgura li l-vittmi jistgħu jistrieħu fuq l-applikazzjoni tagħha fejn ikun meħtieġ.

1.23.

Fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, għandu jiġi ċċarat li l-miżuri ta’ implimentazzjoni għal trattat dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem huma ġustifikati u ma jistgħux jiġu evitati b’soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment (3).

1.24.

L-abbozz attwali jippermetti l-inklużjoni fakultattiva għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Dan għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex ikun aktar adatt fi ħdan l-oqfsa eżistenti, peress li dawk tad-disa’ strumenti ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem b’soluzzjoni ta’ tilwim jinkludu dispożizzjoni ta’ esklużjoni fakultattiva.

1.25.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test attwali jindirizza kwistjonijiet ta’ assistenza reċiproka. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tal-proċeduri nbidlu b’mod sostanzjali. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ litigazzjoni frivola, il-vittmi m’għandhomx iġarrbu l-ispejjeż tal-proċeduri.

1.26.

Il-KESE japprova strument ġuridikament vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, iżda jinkoraġġixxi b’mod qawwi l-kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.   Sfond

2.1.

L-SDGs jimmiraw, f’diversi modi, għal titjib fir-relazzjonijiet ta’ impjieg, il-produzzjoni u l-konsum responsabbli u impenji sodi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Trattat vinkolanti jista’ jappoġġja dawn l-isforzi b’mod sostanzjali, billi joħloq qafas internazzjonali ta’ responsabbiltà.

2.2.

Linji gwida internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem jinkludu l-UNGPs u l-Patt Globali tan-NU (UNGC), kif ukoll linji gwida żviluppati mill-OECD (linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali) li jipprovdu qafas ta’ strateġiji għar-responsabbiltà soċjali korporattiva lill-impriżi multinazzjonali u anke implimentazzjoni legali billi jistrutturaw il-kuntratti tagħhom meta joperaw barra mill-pajjiż u jużaw ktajjen ta’ provvista globali. L-OECD tipprovdi wkoll dokumenti ta’ gwida dwar għadd ta’ setturi. L-effett tagħhom fuq l-inkoraġġiment tal-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista (4) juri li huwa possibbli li r-riskji jiġu ġestiti u jiġu implimentati standards stretti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

2.3.

Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jaffettwa ħajjet in-nies, il-komunitajiet, l-ambjent jew il-proprjetà tagħhom. Għaldaqstant, il-KESE laqa’ dawn l-inizjattivi (5) u jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tat-trade unions fi proċeduri tad-diliġenza dovuta hija importanti. Imġiba kummerċjali responsabbli saret kwistjoni għan-negozji. Is-soċjetà ċivili kif ukoll it-trade unions jaraw li n-negozji qed jagħmlu sforzi biex iwessgħu l-implimentazzjoni prattika tad-drittijiet tal-bniedem u għal mġiba kummerċjali aħjar. Fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar it-trattat, rappreżentanti tan-negozju jenfasizzaw l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja japplikaw għall-impjegati kollha, u tal-implimentazzjoni effettiva tal-istandards u r-regoli tal-ILO għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Ir-rapporti tar-responsabbiltà soċjali korporattiva mhumiex għodod ta’ kummerċjalizzazzjoni iżda mod kif jintwera li qed tintrefa’ r-responsabbiltà. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri b’saħħithom biex jimplimentaw il-politiki tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u biex jappoġġjaw lin-negozji fir-rigward tal-impenn volontarju tagħhom għar-responsabbiltà soċjali korporattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet internazzjonali.

2.4.

Madankollu, miżuri volontarji ma jistgħux jipprevjenu l-ksur kollu tad-drittijiet. (6) Miżuri vinkolanti akkumpanjati minn sanzjonijiet xierqa jservu biex jiżguraw aderenza ma’ standard legali minimu, anke minn dawk in-negozji li ma jerfgħux ir-responsabbiltà morali tagħhom b’serjetà daqs dawk li jimplimentaw standards għolja tad-drittijiet tal-bniedem, eż. abbażi tal-UNGPs. Regoli vinkolanti għandhom jiġu mfassla b’mod koerenti ma’ sistemi ta’ diliġenza dovuta eżistenti, b’mod speċjali l-UNGPs, biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni aktar faċli u biex jiġu evitati s-sensji. Miżuri volontarji u vinkolanti ma jeskludux lil xulxin, iżda jikkomplementaw lil xulxin.

2.5.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-maġġoranza tan-negozji, b’mod speċjali fl-UE, huma impenjati li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, skont l-istatistika tal-ILO, ix-xogħol furzat jiġġenera, fis-setturi tal-kostruzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni tal-minerali, l-utilitajiet u l-agrikoltura madwar id-dinja, USD 43 biljun fi profitti għal dawk in-negozji li ma impenjawx ruħhom biżżejjed biex jimplimentaw id-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-valur tagħhom.

2.6.

L-Indiċi ta’ Riferiment għall-Intrapriżi fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem (Corporate Human Rights Benchmark) inħoloċ minn investituri professjonali flimkien mal-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem (7). Il-valutazzjoni referenzjarja hija mfassla biex tkun għodda għall-investituri biex jidentifikaw ditti responsabbli, għalhekk ikun fl-interess tal-kumpaniji li juru prestazzjoni tajba. Turi li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-UNGPs hija baxxa fir-rigward ta’ ħafna kumpaniji vvalutati b’mod komparattiv. Ta’ min jinnota b’mod speċjali kumpaniji attivi madwar id-dinja, bħal McDonalds u Starbucks, li huma attivi b’mod speċjali fl-Ewropa, u li għandhom klassifikazzjoni ta’ implimentazzjoni baxxa fl-UNGPs. Diversi drabi, kumpaniji internazzjonali, mhux Ewropej, jiksbu vantaġġi fuq kumpaniji Ewropej, li huma impenjati għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Aktar minn 40 % tal-kumpaniji vvalutati b’mod komparattiv m’għandhom l-ebda punteġġ fir-rigward tad-diliġenza tad-drittijiet tal-bniedem u żewġ terzi tal-kumpaniji vvalutati b’mod komparattiv għandhom punteġġ ta’ inqas minn 30 % fl-implimentazzjoni tal-UNGP, li jinkludi wkoll kumpaniji Ewropej.

2.7.

Għalkemm il-maġġoranza kbira ta’ negozji tħossha impenjata favur id-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-attivitajiet tan-negozju jseħħ kontinwament. It-trattat vinkolanti jassigura lill-vittmi li jkunu żgurati standards tad-drittijiet tal-bniedem uniformi madwar id-dinja, liġi applikabbli kif ukoll aċċess ġust għall-awtoritajiet u l-qrati. Dan iservi wkoll biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u biex jinħolqu ċ-ċertezza legali kif ukoll il-kompetizzjoni globali aktar ġusta.

2.8.

L-UE ssegwi aġenda għall-promozzjoni u t-tixrid tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni tagħha. Ir-Regolament tal-UE dwar il-minerali minn żoni ta’ kunflitti, id-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju, u r-Regolament dwar l-Injam huma eżempji fejn issaħħet id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Klawżoli fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles jinkludu impenji għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Xi wħud mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea — b’mod partikolari Franza, iżda anke r-Renju Unit u n-Netherlands — adottaw leġislazzjoni li ssaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva u oqfsa aktar sodi għad-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) analizzat il-kompetenzi Ewropej rigward in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u sabet li hemm raġunijiet definittivi għall-kompetenzi tal-UE kif ukoll għall-kompetenzi tal-Istati Membri (8). Għaldaqstant, tirrakkomanda metodu miftuħ ta’ approċċ ta’ koordinazzjoni. Il-kwistjonijiet tal-kompetenza jridu jiġu ċċarati qabel ma sseħħ ratifika formali tal-konvenzjoni; madankollu, fil-prinċipju trid tiġi preżunta kompetenza mħallta. Il-proċedimenti kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali min-negozji jiġu ttrattati indirettament permezz tad-dritt amministrattiv, ċivili jew kriminali. Huma jqajmu kwistjonijiet tad-dritt privat internazzjonali u tad-dritt kriminali (korporattiv) internazzjonali, kwistjonijiet legali li sa ċertu punt ġew armonizzati fl-UE.

2.9.

Il-PE adotta għadd ta’ riżoluzzjonijiet dwar is-suġġett u appoġġja b’mod qawwi l-parteċipazzjoni attiva fin-negozjati dwar strument ġuridikament vinkolanti. Il-PE talab ukoll studju dwar Access to legal remedies for victims of corporate human rights abuses in third countries (9) (Aċċess għal rimedji legali għall-vittmi ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem korporattivi f’pajjiżi terzi) li jifformula rakkomandazzjonijiet konkreti għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jittejjeb dan l-aċċess.

2.10.

Il-Kunsill talab opinjoni mingħand l-FRA dwar it-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE. Din l-opinjoni sabet potenzjal sostanzjali għal titjib.

2.11.

Fl-2014, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) adotta r-Riżoluzzjoni 26/9, li fiha ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma intergovernattiv miftuħ (OEIWG), biex ifassal strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti biex jirregola, fil-qasam tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn. Ir-riżoluzzjoni kienet appoġġjata minn għadd kbir ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-abbozz attwali ġie ppreżentat f’Lulju 2019.

2.12.

L-UE pparteċipat fil-grupp ta’ ħidma, iżda ddiżassoċjat ruħha mir-riżultati tas-sessjoni tal-grupp ta’ ħidma ta’ Ottubru 2018, minħabba għadd ta’ kwistjonijiet. L-aktar importanti minn dawn jidhru li kienu kwistjonijiet ta’ applikabbiltà għan-negozji kollha u mhux biss dawk transnazzjonali, orjentazzjoni aktar mill-qrib mal-UNGP u proċess aktar trasparenti. Kwistjonijiet sostantivi proposti mill-UE jidhru li ġew ikkunsidrati fl-abbozz attwali. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali ta’ armonizzazzjoni, l-UE għandha tipparteċipa b’mod qawwi fil-proċess, b’mandat ta’ negozjar uffiċjali, biex tirrappreżenta l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha.

2.13.

Hemm ekonomiji ewlenin, li, minn issa, mhumiex qed jipparteċipaw b’mod attiv, bħall-Istati Uniti, jew ma jidhrux li huma involuti b’mod qawwi, bħaċ-Ċina, fil-proċess tat-trattat. L-għoti ta’ kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ lit-trattat iservi biex jippromovi mġiba kummerċjali responsabbli, inkluż minn ditti minn dawn l-ekonomiji ewlenin. Anke jekk ma jirratifikawx it-trattat vinkolanti, id-dħul bl-operazzjonijiet tagħhom fis-suq komuni Ewropew jagħmilhom potenzjalment responsabbli fl-Ewropa, skont it-trattat vinkolanti. Jekk dawk il-pajjiżi jixtiequ japprofittaw aktar mis-swieq Ewropej, ikun neċessarju li jimplimentaw regoli aktar stretti dwar id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem bħala bażi universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti, interrelatati u, għalhekk, bażi obbligatorja għall-involviment tas-soċjetà kollha, fl-oqsma ta’ politika, kooperazzjoni internazzjonali, djalogu soċjali, ekonomija jew negozju. Id-drittijiet tal-bniedem kienu s-sisien għall-ġid tal-Ewropa u għal ħajja paċifika fil-kontinent tagħna. Barra minn hekk, flimkien mal-mudell tal-istat soċjali Ewropew, inkluż sistemi edukattivi universali, huma iggarantixxew l-iżvilupp ekonomiku u l-benessri materjali. Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem soċjali u politiċi kollha għandhom jiggarantixxu livell ta’ għajxien deċenti għall-persuni kollha fid-dinja u li l-ksur tagħhom m’għandux iwassal għal profitti mhux iġġustifikati.

3.2.

Il-KESE jikkunsidra li l-prevenzjoni tal-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem għandha tkun l-għan prinċipali ta’ trattat vinkolanti. Meta jkun hemm standard vinkolanti minimu miftiehem internazzjonalment għall-imġiba kummerċjali, in-negozji jeħtieġu ħafna aktar appoġġ u gwida fl-implimentazzjoni ta’ miżuri, u l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jirrikonoxxu r-responsabbiltà li għandhom fl-iżgurar li l-imġiba responsabbli fin-negozju ma twassalx għal kompetizzjoni inġusta.

3.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-PE u jtenni l-appell tiegħu għal impenn sħiħ u involviment attiv fil-proċess ta’ Ġinevra għall-iżvilupp ta’ strument vinkolanti, inkluża l-ħtieġa msemmija fihom għal mekkaniżmu ta’ tressiq ta’ lmenti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taġixxi fuq dawn ir-riżoluzzjonijiet u turi impenn qawwi.

3.4.

Il-KESE jaqbel ukoll dwar il-kontenut li jeħtieġ ikun fih trattat vinkolanti kif stabbilit mill-PE, jiġifieri:

jibni fuq il-qafas tal-UNGP,

id-definizzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta obbligatorja għall-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn inklużi s-sussidjarji tagħhom,

ir-rikonoxximent tal-obbligi extraterritorjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati u l-adozzjoni ta’ miżuri regolatorji għal dak l-għan,

ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà penali korporattiva,

il-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-Istati dwar l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar ta’ każijiet transfruntiera, u

it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji internazzjonali għas-superviżjoni u l-infurzar.

3.5.

Il-KESE jappoġġja wkoll l-opinjoni tal-Parlament Ewropew li jekk ir-rikorrenti jkunu jistgħu jagħżlu l-ġurisdizzjoni, l-Istati jingħataw inċentiv biex jintroduċu regoli stretti u sistemi legali ġusti, sabiex dawn il-każijiet jinżammu fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ infurzar għandhom jiżguraw li jkun fl-aħjar interess tal-Istati li jilleġislaw għal diliġenza dovuta obbligatorja fir-rigward tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem. Hemm sistemi internazzjonali, bħall-proċedura tal-ilmenti fl-ILO, li jistgħu jservu bħala mudell għal infurzar internazzjonali aktar ambizzjuż.

3.6.

Regoli vinkolanti ma għandhomx iwasslu għal sitwazzjoni fejn in-negozji li jaderixxu ma’ kondotta kummerċjali responsabbli jkunu l-mira ta’ litigazzjoni frivola. Jeħtieġ li jiġi definit b’mod ċar sa liema punt att vinkolanti jwassal biex in-negozji jkunu responsabbli għal ksur. Għaldaqstant, il-ksur tad-drittijiet jista’ jiġi evitat aħjar, meta jkun hemm standard vinkolanti miftiehem internazzjonalment, li jkun implimentat u protett mill-Istati. Dan huwa rifless fl-approċċ attwali tal-abbozz tat-test, li ma jintroduċix obbligi diretti fir-rigward tan-negozji iżda jobbliga lill-Istati jimplimentaw standard miftiehem skont is-sistemi legali tagħhom stess.

3.7.

L-istudju tal-PE u l-opinjoni tal-FRA msemmija hawn fuq jesploraw kwistjonijiet partikolari li jitqajmu regolarment meta persuni jallegaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta’ kumpaniji, is-sussidjarji tagħhom jew fil-katina tal-provvista tagħhom quddiem il-qrati Ewropej.

3.7.1.

Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ewropej hija normalment riżervata għall-konvenuti Ewropej. Dan ifisser li kumpanija bbażata fl-Ewropa tista’ tiġi mħarrka f’qorti Ewropea, iżda s-sussidjarji tagħha, li huma bbażati fil-pajjiż fejn seħħ id-dannu, tipikament ma jistgħux. Fornituri u intermedjarji fil-katina tal-provvista saħansitra jitneħħew mill-kumpanija Ewropea inkwistjoni. Il-KESE jinnota li jrid jiġi żgurat li l-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju jkollhom, bħala kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, garanzija ta’ aċċess għal proċedimenti ġusti, qrati u awtoritajiet. B’mod speċjali meta mhuwiex ċar jekk il-kumpanija omm, waħda mis-sussidjarji jew il-fornituri tagħha humiex potenzjalment responsabbli, forum wieħed li jmexxi proċedimenti ġusti għandu jkollu l-ġurisdizzjoni.

3.7.2.

L-istudju tal-PE juri wkoll proċeduri ta’ medjazzjoni li jistgħu jintużaw mill-vittmi biex jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom. Il-KESE jilqa’ b’mod espliċitu l-proċeduri volontarji ta’ valur bħal dawn kif promossi mill-OECD, l-UNGP u l-Patt Globali, iżda jinnota li dawn il-proċeduri ma jsolvux il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn ditti li ma japplikawx l-aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. Għalhekk, hija meħtieġa wkoll prosekuzzjoni uffiċjali.

3.7.3.

Il-ġbir ta’ evidenza ħafna drabi jkun diffiċli għar-rikorrenti għal raġunijiet prattiċi. Il-każijiet spiss jinvolvu għadd kbir ta’ nies u ostakli lingwistiċi. Filwaqt li ħafna drabi huwa faċli li wieħed jagħti prova li kumpanija lokali hija sussidjarja jew fornitur ta’ kumpanija Ewropea, huwa diffiċli ħafna għall-vittmi li tingħata prova tal-firxa ta’ kontroll eżerċitat. Meta tista’ tiġi asserita ġuriżdizzjoni Ewropea, l-ispejjeż ta’ proċediment jistgħu jkunu għoljin wisq, anki meta l-vittmi tal-ksur jirnexxilhom jirbħu. Hemm ħafna potenzjal għal titjib fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test attwali jindirizza kwistjonijiet ta’ assistenza reċiproka iżda jitlob li l-vittmi ma għandhomx iġarrbu l-ispejjeż tal-proċedimenti, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ litigazzjoni frivola.

3.8.

Meta l-Istati Membri tal-UE, fuq bażi individwali, jibdew jistipulaw oqfsa ta’ diliġenza dovuta obbligatorji aktar stretti, dan se jwassal għal diskrepanza ta’ tali standards fi ħdan l-UE. Il-kumpaniji li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE b’rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta aktar stretti m’għandhomx jiġu ssuperati minħabba kompetizzjoni minn dawk li mhumiex. Il-KESE jinnota li l-kumpaniji għandhom ikollhom kundizzjonijiet ekwi u ċertezza legali, b’responsabbiltajiet ċari.

3.9.

Għalhekk, il-KESE jikkunsidra l-involviment attiv u l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-UE fil-proċess li ġej bħala kruċjali. Ma jistax ikun fl-interess tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li ma jipparteċipawx b’mod attiv fit-tfassil ta’ trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem b’ramifikazzjonijiet potenzjalment maġġuri għas-sistema kummerċjali internazzjonali (10). L-abbozz attwali għandu potenzjal għal titjib sostantiv li jrid jiġi indirizzat. L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jridu jinvolvu ruħhom b’mod attiv u l-Kummissjoni Ewropea teħtieġ mandat ċar biex tkun tista’ tikkoordina l-involviment Ewropew.

3.10.

Peress li t-trattat se jkollu jiġi implimentat u infurzat mill-Istati Membri u l-UE, f’każ li jkunu għadhom mhumiex żviluppati, għandhom jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali fl-Istati Membri kollha, li jistabbilixxu kif id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem se tiġi implimentata. Għandu jkun hemm ukoll pjan ta’ azzjoni Ewropew, sabiex jiġi żgurat li l-livelli kollha ta’ governanza Ewropea jipparteċipaw skont il-kompetenzi tagħhom. Is-soċjetà ċivili organizzata trid tkun involuta fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-pjani ta’ azzjoni.

3.11.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistudja l-fattibbiltà ta’ “Aġenzija tal-UE għall-Klassifikazzjoni Pubblika” għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozju, filwaqt li tiżviluppa sistema li fuq il-bażi tagħha jistgħu jiġu ċċertifikati u kkontrollati b’mod regolari (kriterji, monitoraġġ) id-ditti ta’ awditjar. Tali aġenzija tista’ tappoġġja n-negozji (b’mod partikolari l-SMEs) billi tipprova tiddefinixxi u ttejjeb l-esponiment tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem, b’effetti ta’ benefiċċju għan-negozji fuq kwistjonijiet ta’ responsabbiltà. L-esplorazzjoni ta’ dan il-kunċett tista’ tkun kwistjoni għal opinjoni sussegwenti.

3.12.

Ir-responsabbiltà tad-drittijiet tal-bniedem għandha ssir suġġett meħtieġ fil-kurrikula u t-taħriġ ekonomiċi, kummerċjali u oħrajn relatati u tali enfasi edukattiva tista’ tiġi appoġġjata minn programmi edukattivi tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

It-trattat qed jiġi żviluppat minn grupp ta’ ħidma tal-UNHRC, li huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-patti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem. Billi d-destinatarji normattivi tat-trattat huma l-Istati, u mhux individwi (bħall-korporazzjonijiet jew persuni li huma vittmi ta’ ksur), it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma bħal dan fil-UNHRC jagħmel sens, filwaqt li organizzazzjonijiet oħra, bħall-ILO u d-WTO jkunu faċilment involuti. Il-KESE jemmen li għandha titkompla l-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Intergovernattiv Miftuħ dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (OEIGWG).

4.2.

Il-mandat sottostanti tal-OEIGWG jiffoka fuq sitwazzjonijiet transnazzjonali. L-assoċjazzjonijiet tan-negozju u t-trade unions argumentaw favur kamp ta’ applikazzjoni usa’, li jkopri lin-negozji kollha (eż. intrapriżi tal-istat u impriżi kummerċjali nazzjonali). Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-abbozz ta’ test rivedut ikkunsidra, fil-prinċipju, dawk it-talbiet. Madankollu, l-abbozz ta’ test jeħtieġ aktar kjarifika. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom b’mod attiv.

4.3.

Għandu jkun hemm mekkaniżmu internazzjonali b’saħħtu ta’ monitoraġġ u infurzar, bil-possibbiltà li jitressqu lmenti individwali quddiem tribunal internazzjonali. Barra minn hekk, għandu jkun hemm uffiċjal indipendenti tan-NU (ombudsperson) għall-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jinvestiga u jappoġġja t-talbiet tagħhom fejn meħtieġ u jsegwi b’mod indipendenti l-ksur allegat biex jinġieb għall-attenzjoni tal-kumitat.

4.4.

L-abbozz jinkludi definizzjoni wiesgħa ħafna ta’ drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO 190 fil-preambolu. Madankollu, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tinkludi wkoll katalogu komprensiv ta’ dikjarazzjonijiet u drittijiet li jappartjenu għall-intrapriżi multinazzjonali u x-xogħol, li jinnota b’mod speċifiku wkoll il-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. Żviluppi reċenti fid-drittijiet tal-bniedem enfasizzaw ukoll b’mod aktar qawwi d-drittijiet għal ambjent b’saħħtu u l-protezzjoni tad-data, u għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati. Id-dokumenti u d-drittijiet imsemmija hawn fuq jappartjenu għal korp bażiku tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa applikabbli madwar id-dinja, u għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat. Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-dimensjoni tal-ġeneru tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li ta’ spiss tiġi injorata, ġiet integrata b’mod aktar qawwi fil-parti preventiva ta’ trattat vinkolanti.

4.5.

L-abbozz diġà jistipula, fi prinċipju, għażla ta’ ġurisdizzjonijiet kompetenti, li tista’ tiġi rfinata aktar. Meta kumpanija tkun involuta fl-attivitajiet tan-negozju tagħha fil-ktajjen ta’ provvista transnazzjonali (eż tirċievi oġġetti jew riżorsi), għandu jiġi żgurat li l-ġurisdizzjoni tista’ tiġi asserita fil-pajjiż tad-domiċilju tagħha. Għandu jkun ċar ukoll li sussidjarji u fornituri lokali jistgħu jiġu mħarrka jew għall-inqas jiġu miżjuda ma’ talbiet fil-pajjiż ta’ domiċilju tal-kumpanija omm jew tal-kumpanija riċeventi.

4.6.

Għandu jkun hemm kjarifika ulterjuri dwar l-interazzjoni bejn id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà, inklużi dispożizzjonijiet ċari u prattiċi biex jiġi żgurat li d-diliġenza dovuta tinkorpora monitoraġġ kontinwu — fis-sens ta’ sistema ta’ verifiki u kontrolli —fil-ktajjen tal-provvista, flimkien mar-responsabbiltà, f’każ li tfalli. Il-ġurisprudenza tar-Renju Unit żviluppat standard ta’ kontroll għal kumpaniji omm rigward ksur mis-sussidjarji tagħhom (11), li jista’ jinspira provvediment aktar ċar dwar ir-responsabbiltà speċifikament għal kumpaniji sussidjarji. L-abbozz ta’ test attwali jiffoka fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali, li jistgħu jagħmluha diffiċli biex ikun hemm rendikont b’mod affidabbli tul il-ktajjen tal-valur globali, peress li r-relazzjonijiet ta’ negozju jistgħu jieħdu forom differenti tul dawn il-ktajjen. Hemm il-potenzjal li jittejjeb it-test attwali, u kjarifika ulterjuri għandha tibni fuq il-kunċetti diġà żviluppati għall-UNGP li għandhom ikunu ta’ prijorità għall-UE.

4.7.

Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni issa jħaddan l-attivitajiet tan-negozju kollha, u mhux biss dawk transnazzjonali, għandu jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu l-flessibbiltà bejn regoli proporzjonati iżda li ma jitfgħux piż żejjed fuq l-SMEs, minn naħa waħda, u regoli aktar stretti għal operazzjonijiet ta’ riskju għoli min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, l-UE għandha toffri strumenti ta’ appoġġ speċjali biex jgħinu lill-SMEs jimmaniġġjaw l-isfidi ta’ trattat bħal dan (eż. aġenzija, appoġġ għal tagħlim bejn il-pari).

4.8.

Il-KESE jinnota r-regoli dwar l-assistenza legali reċiproka u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-abbozz attwali. Tali funzjonijiet jistgħu forsi jiġu ffaċilitati permezz ta’ uffiċċji internazzjonali ta’ ombusdsperson tan-NU, kif imsemmi hawn fuq.

4.9.

L-abbozz ta’ test jinkludi dispożizzjoni dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi fil-każijiet tar-responsabbiltà ċivili, li għandha tiġi ċċarata biex tiżgura applikazzjoni konsistenti fil-ġurisdizzjonijiet kollha u biex tiżgura li l-vittmi jistgħu jistrieħu fuq l-applikazzjoni tagħha fejn ikun meħtieġ. Dan ikun ifisser, tal-anqas, li r-rikorrenti ta’ każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu meħtieġa biss li jippruvaw l-eżistenza ta’ rabta definita bejn l-awtur tal-ksur (bħal fornitur jew sussidjarju), u l-kumpanija (riċeventi jew omm), li min-naħa tagħha tkun meħtieġa tispjega b’mod plawżibbli li l-ksur ma kienx fil-kontroll tagħha. Il-KESE jiddubita li r-relegar tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi lill-qrati, minflok fil-leġislazzjoni, se jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni konsistenti.

4.10.

Il-KESE jinnota l-importanza tax-xhieda u r-rwol tal-informaturi. Jilqa’ d-dispożizzjonijiet protettivi inklużi fl-abbozz ta’ test attwali. L-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam għandhom jiġu appoġġjati.

4.11.

Għandu jkun hemm responsabbiltà penali f’każijiet ta’ negliġenza gravi. Fil-każ ta’ reati inqas serji, bħan-negliġenza tad-dmir li wieħed jirrapporta b’mod regolari, għandha tiġi prevista r-responsabbiltà amministrattiva.

4.12.

Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni dwar il-konsistenza ma’ ftehimiet bilaterali u multilaterali oħra. Madankollu, fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, għandu jiġi ċċarat li l-miżuri ta’ implimentazzjoni għal trattat dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem huma ġustifikati u ma jistgħux jiġu evitati bis-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment.

4.13.

Fost l-Istati għandu jkun possibbli li jinfurzaw l-implimentazzjoni ta’ trattat vinkolanti. Diġà jeżistu proċeduri, li jistgħu jispiraw tali possibbiltajiet, bħall-proċeduri ta’ lmenti skont il-kostituzzjoni tal-ILO, li jippermettu lill-imsieħba soċjali u lill-Istati jippreżentaw ilmenti kontra n-nuqqas ta’ osservanza tal-Konvenzjonijiet tal-ILO. Jekk l-Istati jistgħu jippreżentaw ilmenti kontra xulxin, tista’ tiġi infurzata implimentazzjoni madwar id-dinja. Kumpaniji responsabbli jkunu protetti aħjar kontra kompetizzjoni inġusta. Tali l-ilmenti għandhom ukoll ikunu aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u l-NGOs. Jekk tali sistema tiġi stabbilita b’mod indipendent minn proċeduri tal-ILO, għandha topera mingħajr preġudizzju għas-sistema tal-ILO u d-dispożizzjonijiet tagħha.

4.14.

L-abbozz attwali jippermetti l-inklużjoni fakultattiva għal sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Dan għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid sabiex ikun adatt aħjar fi ħdan l-oqfsa eżistenti, peress li dawk tad-disa’ strumenti ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem b’soluzzjoni ta’ tilwim jinkludu dispożizzjoni ta’ esklużjoni fakultattiva.

4.15.

Fl-abbozz rivedut, tnaqqsu d-dispożizzjonijiet dwar l-istatuti ta’ limitazzjonijiet u l-liġi applikabbli meta mqabbla mal-“abbozz żero”. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet fihom drittijiet proċedurali importanti għal vittmi, il-KESE jirrakkomanda li l-ħidma ssir abbażi tat-test tal-abbozz żero.

4.16.

Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, b’mod speċjali rappreżentanti tan-negozju, indikaw id-disponibbiltà tardiva u l-pubblikazzjoni tard ta’ abbozz ta’ dokumenti fil-proċess tat-trattat kontinwu f’Ġinevra. Dan irid jittejjeb sabiex jippermetti feedback kostruttiv u bbilanċjat sew. Trid tiġi żgurata trasparenza għall-parteċipanti kollha fl-istadji kollha tal-proċess.

4.17.

Il-KESE japprova strument legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, iżda jinkoraġġixxi b’mod qawwi l-kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Oxford Dictionary of Law (7 edizzjoni) – Il-post jew il-pajjiż fejn ikun qed jinstema’ każ.

(2)  Fost l-oħrajn: ir-Riżoluzzjoni tal-PE tal-4 ta’ Ottubru 2018 (2018/2763(RSP)).

(3)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 145.

(4)  http://www.oecd.org/daf/inv/mne/oecd-portal-for-supply-chain-risk-information.htm

(5)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 17.

(6)  Xi wħud mill-eżempji l-aktar reċenti: hazelnut pickers in Turkey (ir-refuġjati Sirjani li jiġbru l-ġellewż fit-Turkija), https://www.nytimes.com/2019/04/29/business/syrian-refugees-turkey-hazelnut-farms.html; gravestones produced with child labour (it-tħaddim tat-tfal fis-settur tal-lapidi tal-oqbra), https://kurier.at/politik/ausland/blutige-grabsteine-was-friedhoefe-mit-kinderarbeit-zu-tun-haben/400477447; mineral extraction for electric car batteries (estrazzjoni tal-minerali għall-batteriji tal-vetturi elettriċi) https://www.dw.com/de/kinderarbeit-f%C3%BCr-elektro-autos/a-40151803

(7)  https://www.corporatebenchmark.org/

(8)  Opinjoni tal-FRA dwar It-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE p. 62.

(9)  EP/EXPO/B/DROI/FWC/2013-08/Lot4/07, Feb. 2019 – PE 603.475.

(10)  Il-KESE nnota r-rilevanza ta’ trattat vinkolanti tan-NU fil-Opinjoni (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 145), punt 2.19.

(11)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 40.


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-għajnuna esterna, l-investiment u l-kummerċ bħala strumenti biex jitnaqqsu r-raġunijiet għall-migrazzjoni ekonomika, b’enfasi speċjali fuq l-Afrika”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/03)

Relatur:

Arno METZLER

Korelatur:

Thomas WAGNSONNER

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

23–24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

28.11.2019

Adottata fil-plenarja

12.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

152/0/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-politika tal-iżvilupp tal-UE tfittex li trawwem l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan primarju li teqred il-faqar, tistimula t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, u tippromovi l-paċi u s-sigurtà/stabbiltà, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem. Hija l-pedament tar-relazzjonijiet tal-UE mad-dinja esterna u tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-UE — flimkien mal-politika barranija, ta’ sigurtà u kummerċjali (u aspetti internazzjonali ta’ politiki oħra bħall-ambjent, l-agrikoltura u s-sajd). Meta jimplimentaw dawn l-għanijiet, il-politiki għandhom fil-każijiet kollha jiżguraw “ħajja deċenti”, jinfurzaw l-istat tad-dritt u joħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza b’mod espliċitu l-bżonn li tinkiseb ugwaljanza bejn is-sessi u tissaħħaħ il-pożizzjoni tat-tfajliet u n-nisa.

1.2.

F’dinja li dejjem qiegħda tinbidel, ħaġa waħda hija ċerta: l-Afrika u l-Ewropa se jibqgħu ġirien qrib xulxin. L-54 pajjiż tal-Afrika u t-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandhom viċinat, storja u futur kondiviżi. Il-KESE jenfasizza li l-iżbalji tal-passat għandhom ċertament jiġu evitati fil-futur kondiviż taż-żewġ kontinenti.

1.3.

Sebgħin sena ilu, l-Ewropa kienet kontinent ta’ emigrazzjoni netta hekk kif iċ-ċittadini tagħha ħarbu problemi bħal gwerer, ġuħ, faqar, qgħad, degradazzjoni ambjentali, oppressjoni u diskriminazzjoni. Is-suċċess tal-UE fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-poplu tagħha ħoloq kontinent ta’ immigrazzjoni netta. Għandna naħdmu flimkien mal-pajjiżi Afrikani biex noffrulhom progress simili.

1.4.

Huwa diffiċli li tiġi identifikata strateġija ekonomika tal-UE koerenti dwar l-Afrika kollha kemm hi. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-impenn tiegħu li jkun involut f’approċċ trasparenti u koerenti, bħala korp li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili organizzata u bħala sieħeb attiv f’dawn il-ftehimiet kollha tal-UE. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ħabbar li l-UE diġà hija sieħeb politiku b’saħħitu tal-Afrika, u li l-pass li jmiss huwa li nsiru msieħba ekonomiċi veri u li napprofondixxu r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħna. Il-KESE kellu rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tar-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Issa huwa importanti li l-impenn kontinwu u saħansitra akbar tal-KESE u tal-istrutturi tiegħu jsir element sostanzjali tal-ftehim ta’ wara Cotonou. B’dan il-mod is-soċjetà ċivili tal-UE se tkun tista’ tgħin lis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi Afrikani ssir sieħeb affidabbli u ta’ min jafdah għall-investituri. Dan se jitwettaq biss billi titrawwem sħubija fuq l-istess livell u billi jiġu kkunsidrati l-assimetriji attwali fis-sitwazzjoni ekonomika.

1.5.

Sabiex jinkisbu għanijiet komuni, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ekonomika se jkun kruċjali. L-aħħar snin kienu xhieda ta’ approċċi għal paradigma ġdida fir-relazzjonijiet UE-Afrika (pereżempju fl-agrikoltura), li jiffokaw dejjem aktar fuq il-kooperazzjoni politika u l-promozzjoni ta’ investiment sostenibbli u ambjent tan-negozju stabbli, responsabbli u inklużiv. Din il-paradigma għandha tiġi żviluppata aktar b’suċċess fis-settur agrikolu kif ukoll f’setturi oħra u trid tinkludi aktar nies lokali fuq il-post.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda li fil-livell tal-UE tiġi stabbilita politika ta’ punt uniku ta’ servizz u mekkaniżmu xieraq ta’ konsultazzjoni li jipprovdu informazzjoni u kuntatti għal dawk li jixtiequ jinvestu fl-Afrika u jikkollaboraw mal-pajjiżi Afrikani. Dan jissodisfa wkoll l-għan ta’ monitoraġġ, bħala forma ta’ strument politiku. L-implimentazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz għall-inizjattivi kollha relatati mal-Afrika tevita d-duplikazzjoni ta’ proġetti u tiżgura t-trasparenza u l-effiċjenza tal-appoġġ tal-UE.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tiġi stabbilita pjattaforma xierqa għal skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-SMEs Ewropej u Afrikani dwar l-aħjar prattiki dwar l-investiment u l-kollaborazzjoni.

1.8.

Hemm bżonn li tiġi ppreżentata arkitettura istituzzjonali ċara u trasparenti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Afrika, li tkun bbażata fuq il-Kunsens ġdid għall-Iżvilupp (1), li tippermetti analiżi u implimentazzjoni aktar realistiċi tal-perspettiva tal-iżvilupp. Il-KESE jittama li l-ftehim ta’ wara Cotonou jkun jista’ jipproponi pjattaforma prammatika għal politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp riformata, konsistenti mal-kumplessitajiet tal-proċess tal-iżvilupp. Din il-pjattaforma għandha tkun ibbażata fuq il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE fi sforz biex jiġu rreġistrati l-programmi, il-proġetti u l-inizjattivi kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE. Dan jevita duplikazzjoni ta’ attivitajiet f’ċerti oqsma, filwaqt li jkun nieqes mill-appoġġ f’oqsma oħra.

1.9.

Fl-istess ħin, il-KESE huwa favur proċess li jimmassimizza l-impatt tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku (2) ta’ politiki oħra tal-UE. B’mod partikolari, il-kummerċ, l-investiment, it-taxxa (3), l-għajnuna esterna (4), il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali u l-politiki dwar il-klima jridu jkunu koerenti mal-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.

1.10.

Il-KESE huwa impenjat bis-saħħa li jagħmel il-finanzjament tal-iżvilupp Ewropew aktar effiċjenti u effettiv. Filwaqt li jqis il-fondi ta’ investiment tal-UE li diġà jinvestu fl-Afrika, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit fond ta’ investiment, simili għall-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jissieħeb bħala koinvestitur ma’ investimenti privati u pubbliċi. Dan il-fond għandu jkun ibbażat fuq il-kriterji u l-prinċipji tal-Aġenda 2030 u r-rikonoxximent ta’ standards bażiċi aċċettati internazzjonalment (5). Il-proġetti appoġġjati għandhom jiġu mmonitorjati u elenkati f’reġistri jew pjattaformi ċentrali. Il-KESE jħeġġeġ kollaborazzjoni saħansitra aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (speċjalment il-KESE) dwar il-valuri etiċi tagħhom b’rabta mal-proġetti kollha.

1.11.

Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ approċċ “mill-għajnuna għall-investiment”, li jfisser li jinbidel il-punt fokali mill-għoti ta’ benefiċċji għall-appoġġ u nnegozzjar ma’ atturi ekonomiċi li huma awtodipendenti u ekonomikament indipendenti, u proġetti ekonomiċi interkontinentali bbażati fuq kooperazzjoni fuq kundizzjonijiet ekwi.

1.12.

L-istrutturi finanzjarji fl-Afrika nnifisha għandhom jissaħħu biex jappoġġjaw finanzjament fit-tul, kemm għal investimenti privati kif ukoll dawk pubbliċi. Dan huwa prerekwiżit importanti għal żvilupp sostenibbli u dejjiemi. Esperjenzi Ewropej fir-rigward ta’ banek kooperattivi u banek ta’ żvilupp nazzjonali, li, b’mod partikolari, jaqdu l-ħtiġijiet tal-muniċipalitajiet, jistgħu forsi jservu bħala mudell. B’mod partikolari, il-mikrokreditu u l-investiment jistgħu jkunu kwistjoni ewlenija għall-futur tal-ekonomija Afrikana. Żvilupp sostenibbli se jseħħ biss meta jiġu appoġġjati l-ktajjen tal-valur reġjonali u s-swieq tal-konsumaturi għall-klassi medja (6).

1.13.

Il-KESE jqis li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tiffoka fuq il-ħidma lejn sħubija ċċentrata fuq in-nies, tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, tat-trejdjunjins u tas-settur privat, u twassal benefiċċji diretti għaċ-ċittadini Afrikani u Ewropej.

1.14.

Il-KESE jenfasizza li s-soċjetà ċivili organizzata tista’ tgħin biex jinbena ambjent ta’ fiduċja fl-istrutturar tas-soċjetà ċivili Afrikana bi strumenti għal aċċess għal-ġustizzja, infurzar ta’ sigurtà u kontra l-korruzzjoni fi sħubija ma’ strutturi Afrikani. Dan għandu jkun il-valur miżjud li s-soċjetà ċivili Ewropea twassal għall-iżvilupp Afrikan ibbażat fuq l-istess valuri komuni, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet politiċi u taċ-ċittadini.

1.15.

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE) tal-UE mal-pajjiżi Afrikani ma fihom l-ebda mekkaniżmu għal djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata. L-UE għandha tfittex, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ dawn il-ftehimiet, li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ djalogu għal atturi mhux statali.

1.16.

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-approċċ u l-esperjenza emerġenti tal-pjattaformi ta’ Negozju Sostenibbli għall-Afrika (SB4 A, Sustainable Business for Africa), prinċipalment b’enfasi fuq l-impenn tas-settur privat, l-UE għandha timmira aktar l-għajnuna tagħha u trawwem inizjattiva simili għas-soċjetà ċivili ġenerali — bħala parti mill-qafas SB4 A jew li jakkumpanjah jew b’mod parallel miegħu. Dawn jistgħu jsiru pjattaformi ta’ bosta partijiet interessati tal-Kummerċ u l-Investiment Sostenibbli għall-Afrika.

1.17.

Il-KESE jqis li l-UE għandha talloka wħud mir-riżorsi tagħha tal-Għajnuna għall-Kummerċ biex tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-bini ta’ kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fir-rigward ta’ sforzi fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment sostenibbli.

1.18.

Permezz ta’ approċċ b’diversi partijiet interessati li jinvolvi wkoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE jippromovi inizjattivi u aġġustamenti għar-reġimi tal-politika kummerċjali FTA/FSE/SĠP li jwasslu għal implimentazzjoni effettiva u sostenibbli taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (AfCFTA) u l-integrazzjoni tas-suq Afrikan. B’mod partikolari għandhom jissaħħu l-kummerċ intra-Afrikan u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali u jiġu żviluppati setturi ewlenin tal-ekonomija fl-Afrika kollha.

1.19.

Fil-qalba tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa kien hemm investiment fl-infrastruttura pubblika, speċjalment fl-edukazzjoni. Għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tagħna fir-rigward tal-Afrika jrid ikun it-titjib tal-livell ta’ edukazzjoni fl-Afrika, b’mod partikolari fost gruppi ekonomikament vulnerabbli.

1.20.

Il-KESE jilqa’ ż-żieda ppjanata tal-UE ta’ finanzjament għall-Afrika għal EUR 40 biljun (USD 46,5 biljun) fil-perjodu tal-baġit li jmiss, u jittama li din tkun ingranata b’mod sinifikanti minn investituri privati.

2.   Sfond

2.1.

L-Ewropa hija mexxej globali fl-iżvilupp, peress li hija l-akbar fornitur fid-dinja ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp. Billi jipprovdu aktar minn 50 % tal-għajnuna globali għall-iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma kollettivament id-donatur ewlieni fid-dinja.

2.2.

Skont il-Bank Dinji (7), ir-rimessi mill-espatrijati lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2016 ammontaw għal madwar USD 426 biljun, jiġifieri madwar tliet darbiet l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp madwar id-dinja. L-għoti ta’ opportunitajiet ta’ impjieg legali għall-migranti Afrikani fl-Ewropa u l-iżgurar ta’ faċilitajiet ta’ trasferiment ta’ flus sikuri jikkontribwixxu bil-kbir biex jgħinu l-iżvilupp tal-Afrika.

2.3.

L-Afrika u l-Ewropa huma ġirien immedjati, marbuta bi storja komuni. Huma jikkondividu valuri u interessi komuni biex jiggwidaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-futur. Illum qed jindirizzaw b’mod konġunt sfidi komuni globali bħat-tibdil fil-klima u l-paċi u s-sigurtà. L-Afrika se tkun partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, minkejja li tikkontribwixxi inqas minn 4 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. 27 mit-33 pajjiż l-aktar li jinsabu f’riskju minħabba t-tibdil fil-klima huma fl-Afrika.

2.4.

Kooperazzjoni fuq livell kontinentali bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea hija ggwidata minn Sħubija Strateġika, li hija bbażata fuq valuri komuni u interessi komuni. Fl-2007, l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) ġiet adottata miż-żewġ imsieħba biex isawru rabtiet aktar b’saħħithom bejn iż-żewġ kontinenti f’oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni, japprofondixxu d-djalogu politiku u jipprovdu pjan direzzjonali konkret għal ħidma konġunta futura.

2.5.

L-UE għandha l-itwal kooperazzjoni mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), stabbilita fl-1975 permezz tal-Konvenzjoni ta’ Lomé u aġġornata fl-2000 permezz tal-Ftehim ta’ Cotonou. 48 stat tal-Afrika sub-Saħarjana huma partijiet għall-Ftehim ta’ Cotonou.

2.6.

L-UE bħalissa qed tinnegozja suċċessur għall-Ftehim ta’ Cotonou li jkopri l-perjodu 2000-2020 ma’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Il-kuntest politiku u ekonomiku nbidel ħafna matul l-aħħar żewġ deċennji, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi AKP issa huma regolati fil-biċċa l-kbira mill-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika bilaterali u reġjonali, u bil-prominenza tal-qafas tal-Unjoni Afrikana (UA), li qed jikkontesta il-koerenza, il-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-oqfsa AKP u UA.

2.7.

Suċċessur ta’ Cotonou joffri opportunità biex jiġu modernizzati r-regoli dwar kwistjonijiet li jinkludu l-investiment, is-servizzi, il-kummerċ ġust, id-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-migrazzjoni. Iżda l-kooperazzjoni teħtieġ li titpoġġa fuq bażi ġdida bbażata fuq l-Aġenda 2030 u l-istati Afrikani se jkollhom jiddeċiedu jekk iridu jinnegozjaw flimkien bħala kontinent.

2.8.

Dawn il-fatti jimmotivaw lill-KESE biex jinsisti fuq strateġija soċjoekonomika koerenti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, u li jingħata spazju xieraq għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fin-negozjati tal-Ftehim ta’ wara Cotonou.

2.9.

Il-KESE skopra li m’hemm l-ebda sorveljanza ċentralizzata jew reġistrazzjoni ta’ inizjattivi u programmi u sħubijiet kollha fil-livell tal-UE jew nazzjonali. Barra minn hekk m’hemm l-ebda għarfien sħiħ dwar l-ammont ta’ fondi li jmorru għall-Afrika.

3.   Ostakli

3.1.

Huwa essenzjali li tiġi enfasizzata l-eteroġeneità dejjem tikber tal-kontinent Afrikan u l-UE għandha tadatta l-politiki tagħha għar-realtajiet. Neħtieġu approċċ ferm aktar prammatiku u realistiku fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet UE-Afrika.

3.2.

Ir-relazzjoni diretta bejn l-UE u l-UA kisbet prominenza mit-tnedija tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) fl-2007. L-UE ppromoviet ukoll inizjattivi oħra, bħall-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza, il-Faċilità ta’ Investiment għall-Afrika, il-Pjan ta’ Investiment Estern, u serje ta’ ftehimiet sub-reġjonali. Il-multipliċità tal-modalitajiet fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika tipproduċi arkitettura kumplessa u xi kultant inkoerenti, fejn elementi ta’ politiki oħra jitħalltu mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Ma’ din il-konfużjoni, jiżdiedu l-interessi diverġenti tal-Istati Membri.

3.3.

L-għoti ta’ spinta lill-investiment fis-settur privat jirrikjedi paċi, sigurtà u stabbiltà, u klima u ambjent tan-negozju li jippermetti l-investiment. Stħarriġ fost l-investituri (8) jindika b’mod ċar li hemm ħafna aktar xi jsir f’dan il-qasam sabiex titjieb il-kapaċità tal-Afrika li tikkompeti mad-dinja kollha biex tattira kapital ta’ investiment. L-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ġudikatura indipendenti, u l-prevedibbiltà tat-tassazzjoni, kif ukoll il-paċi u l-istabbiltà huma kollha fatturi ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-investituri kemm domestiċi kif ukoll barranin. Il-kost tal-istabbiliment ta’ negozju huwa maħsub li huwa madwar tliet darbiet ogħla fi stati fraġli, li jiskoraġġixxi b’mod sinifikanti l-investiment privat (9).

3.4.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ fl-implimentazzjoni tal-SDGs (10), il-KESE sostna li “L-implimentazzjoni tal-SDGs se teħtieġ l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili mhux l-anqas għaliex dak għandu jinkoraġġixxi l-istat tad-dritt u jgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni”. Din l-Opinjoni enfasizzat ukoll il-ħtieġa tal-bini tal-infrastruttura fl-Afrika, politika li bħalissa qed tiġi attwata miċ-Ċiniżi. Il-kummerċ intern fl-Afrika huwa baxx, speċjalment fir-rigward tal-prodotti agrikoli; li jirrappreżenta bejn 10 % u 15 % tal-kummerċ kollu Afrikan. Tali sitwazzjoni hija mistennija li titjieb bl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO tal-2017.

3.5.

Skont it-tbassir, biex jiġu implimentati l-SDGs fl-Afrika huma meħtieġa riżorsi li jammontaw għal madwar USD 600 biljun fis-sena (11). Anke bl-involviment ta’ investiment barrani u għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika jiddependi fuq il-mobilizzazzjoni u l-ġenerazzjoni ta’ riżorsi domestiċi. Riżorsi bħal dawn huma bbażati fuq investiment fit-tul u ħolqien ta’ valur fit-tul, biex jinkiseb impjieg ta’ kwalità, u ktajjen ta’ valur lokali u reġjonali. Edukazzjoni aħjar u konsum privat huma muturi ewlenin għat-tkabbir fl-Afrika, li jfisser li l-ħolqien ta’ swieq — konsumaturi — fl-Afrika għall-prodotti tagħha stess għandu jkollu parti sostanzjali fil-kisba tal-iżvilupp. L-infrastruttura pubblika hija tassew kruċjali biex tippermetti wkoll investiment privat fit-tul.

3.6.

Il-KESE jirrimarka l-importanza tal-programm Erasmus+ sabiex aktar żgħażagħ Afrikani jkollhom aċċess għal edukazzjoni avvanzata.

3.7.

Ir-rabta bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-migrazzjoni m’għandhiex tiġi injorata. Studji wrew (12) li l-ħtiġijiet għall-migrazzjoni jonqsu, ġaladarba jintlaħaq ċertu dħul per capita (skont l-istudju, iċ-ċifri jvarjaw bejn USD 6 000 u USD 10 000per capita fis-sena). Minbarra l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-migrazzjoni fl-Afrika sseħħ fil-kontinent stess, dawn iċ-ċifri jindikaw il-ħtieġa għal politika tal-iżvilupp, immirata li tagħti lin-nies ħajja, impjieg u prospetti deċenti f’pajjiżhom stess. Din se tkun ta’ sfida enormi biex tinkiseb peress li skont it-tbassir demografiku, sal-2050, se jkunu qed jgħixu 2,5 biljun persuna fl-Afrika (13).

3.8.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jistipulaw il-ħtieġa li tinkiseb ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa biex isiru awtosuffiċjenti; l-isfidi tal-iżvilupp li niffaċċjaw illum il-ġurnata għandhom aspett partikolari li jikkonċerna l-ġeneru, li għandu jiġi analizzat fit-tfassil tal-politiki u indirizzat fl-implimentazzjoni tagħhom.

3.9.

Il-korruzzjoni hija kwistjoni problematika kbira ħafna, mhux biss fl-Afrika. Hemm bżonn li tiġi promossa governanza ekonomika u finanzjarja tajba billi tissaħħaħ il-ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi, tinħoloq sistema kredibbli biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni bbażata fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, u tittejjeb il-klima kummerċjali kif ukoll iċ-ċirkostanzi għal titjib soċjali.

3.10.

Is-soċjetà ċivili organizzata jista’ jkollha funzjoni importanti ta’ sorveljanza. L-implimentazzjoni ta’ rwol aktar b’saħħtu għall-NGOs, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-appoġġ ta’ inizjattivi bħal dawn fil-pajjiżi msieħba jservi biex jippromovi l-governanza tajba, il-ġustizzja u d-demokratizzazzjoni.

3.11.

L-Ewropa qed tnaqqas mill-influwenza tagħha fl-Afrika meta mqabbla ma’ atturi globali oħra bħaċ-Ċina, li qegħdin jinvestu biljuni f’dan il-kontinent. L-Istati Membri tal-UE jibżgħu li se jsibu ruħhom relegati għat-tieni livell. Jekk l-impenn tal-Ewropa, kif ukoll dak taċ-Ċina, ma jkunux iffokati esklussivament fuq il-profitti, iżda jkunu ffokati wkoll fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika, u jrawmu livelli ta’ għajxien deċenti, il-ħtieġa għal migrazzjoni tista’ titnaqqas.

3.12.

Il-KESE jappella għall-implimentazzjoni ta’ approċċ “mill-għajnuna għall-investiment”, li jfisser li jinbidel il-punt fokali mill-għoti ta’ benefiċċji għall-appoġġ u nnegozzjar ma’ atturi ekonomiċi li huma awtodipendenti u ekonomikament indipendenti u proġetti ekonomiċi interkontinentali bbażati fuq kooperazzjoni fuq kundizzjonijiet ekwi.

3.13.

In-nuqqas ta’ rieda ta’ strutturi konservattivi (pereżempju knejjes) lejn il-ġestjoni tat-tkabbir tal-popolazzjoni tnaqqas l-possibbiltajiet għall-iżvilupp ta’ strateġija għal tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli.

4.   Investiment

4.1.

Għal ħafna snin il-politika tal-UE dwar l-Afrika kienet ikkaratterizzata minn intenzjonijiet tajbin u wegħdiet li ma twettqux. Madankollu, wara l-kriżi tar-refuġjati żdied b’mod drastiku l-interess għal strateġija ġdida ta’ kooperazzjoni mal-kontinent Afrikan. L-UE qed tippjana li tinvesti aktar fl-Afrika u trid tintensifika r-relazzjonijiet kummerċjali, għaliex il-pass meħtieġ li jmiss huwa li jsiru msieħba ekonomiċi veri. Sħubija bħal din għandha tkun ibbażata fuq fehim ta’ opportunitajiet indaqs, billi tittieħed nota tal-assimetriji ovvji li jeżistu bejn l-Afrika u l-Ewropa.

4.2.

L-investimenti fl-Afrika juru stampa irregolari, li tirrifletti l-inċertezza globali, bi flussi ta’ investiment dirett barrani lejn l-Afrika li jvarjaw u ma jurux xejra b’saħħitha ’l fuq li hija meħtieġa. Fl-2016, l-Afrika t’Isfel, in-Niġerja, il-Kenja, l-Eġittu u l-Marokk flimkien attiraw 58 % tal-investiment dirett barrani totali, filwaqt li pajjiżi inqas avvanzati u aktar fraġli jiffaċċjaw sfidi sistemiċi biex jattiraw investiment privat.

4.3.

L-UE hija l-investitur prinċipali fl-Afrika, bl-Istati Membri tagħha jkollhom madwar 40 % tal-istokk ta’ investiment dirett barrani b’valur ta’ EUR 291 biljun fl-2016 (14). Il-progress ekonomiku b’saħħtu tal-Afrika fl-aħħar żewġ deċennji u l-potenzjal inerenti għall-ġejjieni jfissru li hemm opportunità sostanzjali biex issir aktar ħidma. It-tbassir demografiku għall-Afrika jagħmilha ċara li jeħtieġ ukoll li jiġu ġġenerati miljuni ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità, speċjalment għaż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol. Indikaturi makroekonomiċi ma jirriżultawx fihom infushom f’livelli ta’ għajxien aħjar għal kulħadd. Il-politiki jeħtieġ li jiżguraw li l-iżvilupp ekonomiku jibbenefika l-livell ta’ għajxien tal-popolazzjoni inġenerali.

4.4.

Sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għall-popolazzjoni Afrikana — li għandha tirdoppja sal-2050 — l-investiment pubbliku u privat b’mod partikolari jrid jiżdied.

4.5.

L-investiment sar kwistjoni ewlenija għall-iżvilupp futur tal-Afrika u se jkun kwistjoni fin-negozjati dwar is-suċċessur ta’ Cotonou. Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ strumenti eżistenti, huwa mistenni valur miżjud kbir ħafna, b’mod partikolari min-negozjati dwar reġim ta’ investiment li jikkombina l-protezzjoni tal-investitur xierqa fuq bażi ugwali ma’ impenji favur is-sostenibbiltà, speċjalment fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħolqien ta’ livelli ta’ għajxien deċenti.

4.6.

Fil-perjodu baġitarju li jmiss, l-UE tippjana li żżid il-finanzjament għall-Afrika għal EUR 40 biljun (USD 46,5 biljun). It-tama hija li dawn ir-riżorsi imbagħad jiġu multiplikati minn investituri privati. Bħala inċentiv, l-UE tixtieq tipprovdi garanziji għar-riskju biex tħeġġeġ lis-settur privat jimpenja ruħu u jinvesti f’pajjiżi Afrikani. Dawk l-investimenti li jissodisfaw u li għandhom fil-mira b’mod ċar l-għanijiet ta’ sostenibbiltà, stabbiliti fl-Aġenda 2030, għandhom jingħataw prijorità f’termini ta’ appoġġ. Minbarra s-sistema ta’ garanziji għar-riskju hemm bżonn ukoll ta’ sistema adegwata ta’ kontrolli u monitoraġġ biex tassigura li jitwettqu l-SDGs. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li s-soċjetà ċivili organizzata tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tal-fondi Ewropej.

4.7.

Investituri potenzjali, prinċipalment dawk li ġejjin minn SMEs, jirrappurtaw li hemm nuqqas ta’ fiduċja fl-ambjent ta’ investiment fejn tidħol l-istabbiltà politika, il-ġustizzja, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-aċċess għas-swieq u l-istat ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali.

4.8.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit fond ta’ investiment, simili għall-Fond Soċjali Ewropew, li jissieħeb bħala koinvestitur ma’ investimenti privatiu pubbliċi. Dan il-fond għandu jkun ibbażat fuq il-kriterji u l-prinċipji tal-Aġenda 2030 u r-rikonoxximent ta’ standards bażiċi aċċettati internazzjonalment (15). Il-proġetti appoġġjati għandhom jiġu mmonitorjati u elenkati f’reġistri jew pjattaformi ċentrali. Il-KESE jenfasizza kollaborazzjoni saħansitra aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili organizzata (speċjalment il-KESE) dwar il-valuri etiċi tagħhom b’rabta mal-proġetti kollha.

4.9.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ ambjent fejn l-aċċess għall-finanzjament jiġi ffaċilitat għall-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kemm Afrikani kif ukoll Ewropej, fejn il-qafas legali jitjieb kemm għall-investiment pubbliku kif ukoll għal dak privat, u fejn is-sistemi tal-akkwist pubbliku jsiru aktar effiċjenti, fejn in-nies fl-ekonomiji lokali jibbenefikaw mill-investimenti, li jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi domestiċi ta’ kwalità u fejn jiġu promossi standards internazzjonali meħtieġa.

4.10.

L-istrutturi finanzjarji fl-Afrika għandhom ukoll jissaħħu biex jappoġġjaw finanzjament fit-tul. Dan huwa prerekwiżit importanti għal żvilupp sostenibbli dejjiemi. Barra minn hekk, il-banek kooperattivi, pereżempju, kienu pedament tal-iżvilupp f’bosta pajjiżi Ewropej u l-banek nazzjonali tal-iżvilupp, li jaqdu wkoll il-ħtiġijiet tal-muniċipalitajiet b’mod partikolari, rawmu l-investiment fl-Ewropa. Billi użaw dawn il-miżuri, il-pajjiżi Ewropej ffinanzjaw infrastrutturi pubbliċi soċjali u lokali b’mod partikolari, li kienu mhux biss pedament importanti għal investimenti privati u tkabbir ekonomiku dejjiemi, iżda wkoll għall-iżvilupp ta’ stati soċjali Ewropej.

4.11.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkonċentraw l-istrumenti finanzjarji tagħhom fuq miri u istituzzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi evitata kompetizzjoni li tkun ta’ ħsara. Il-kompetizzjoni bejn istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali differenti kkawżat nuqqas ta’ ftehim u diffikultajiet fl-aċċess għas-swieq Afrikani. Huma meħtieġa aktar impenn, kontroll u trasparenza konġunti u diretti. Is-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol istituzzjonali hawn bħala osservatur indipendenti.

4.12.

Politika ta’ investiment li tħeġġeġ investimenti privatiEwropej fl-Afrika għandha tkun partikolarment immirata lejn il-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur reġjonali li jipproduċu prodotti li jistgħu jiġu kkunsmati primarjament fl-Afrika, u b’hekk jinħolqu swieq domestiċi. Dan jista’ jsegwi l-mudell ta’ tkabbir Ewropew tad-deċennji ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li kien jiddependi ħafna fuq is-swieq domestiċi tiegħu biex jiżviluppa l-industrija tiegħu.

4.13.

L-NGOs Ewropej u Afrikani, l-aktar dawk li għandhom oriġini Afrikana, jistgħu jaqdu funzjoni ta’ tisħiħ tal-kuntatti bejniethom għall-iżvilupp ekonomiku, u jistgħu jsiru atturi fl-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

5.   Kummerċ

5.1.

L-Unjoni Ewropea għadha l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Afrika, li tirrappreżenta 36 % tal-esportazzjonijiet kollha, qabel iċ-Ċina u l-Istati Uniti. L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li tintensifika din il-kooperazzjoni u li tagħmilha fuq bażi kuntrattwali ġdida.

5.2.

Bħala s-sieħeb kummerċjali prinċipali tal-Afrika, l-intenzjoni tal-UE kienet li toffri l-aktar preferenzi kummerċjali ġenerużi tagħha lill-pajjiżi Afrikani, jew permezz tal-SĠP tagħha (u Kollox ħlief Armi (EBA) għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), li ħafna minnhom huma fl-Afrika), jew permezz tal-FTAs, b’mod partikolari l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, li għandhom l-iżvilupp bħala l-objettiv ewlieni tagħhom.

5.3.

Madankollu, kuntrarju għad-dispożizzjonijiet fil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-FTAs tal-UE u fl-FSE tal-Karibew, l-FTAs tal-UE u l-FSE ma’ pajjiżi Afrikani ma fihom l-ebda mekkaniżmu għad-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata. L-FTAs ma’ pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq għad m’għandhomx klawżoli dwar Gruppi Konsultattivi Domestiċi jew kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli. Minn barra dan, l-FSE, li huma dwar l-iżvilupp, ma jipprevedux għal klawżola dwar Kumitat Konsultattiv biex jitrawwem id-djalogu tal-atturi mhux statali dwar l-implimentazzjoni sostenibbli u l-impatt tal-FSE.

5.4.

L-involviment u d-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata jistgħu jsiru wkoll barra mill-ftehimiet kummerċjali (jew b’mod parallel magħhom). Peress li r-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment bejn l-UE u l-Afrika huma maħsuba biex irawmu żvilupp sostenibbli, il-partijiet interessati kollha, u mhux l-atturi statali biss, għandhom ikunu involuti.

5.5.

Hemm sfidi ta’ żvilupp li jirriżultaw mill-istruttura attwali ta’ kummerċ bejn l-Afrika u l-Ewropa. Anke meta jiġu rratifikati, mhux l-FSE kollha huma effettivament implimentati mill-pajjiżi msieħba. Dan mhuwiex kompletament inġustifikat, peress li kien hemm bosta rapporti ta’ esportazzjonijiet Ewropej li jwasslu għall-esklużjoni tal-iżvilupp ta’ industriji u setturi lokali (16). Il-kummerċ ħieles estiż huwa bidla strutturali definita għall-pajjiżi msieħba, li qabel kienu kapaċi jirregolaw is-setturi ekonomiċi tagħhom permezz ta’ sistemi preferenzjali. Barra minn hekk, il-FSE huma nnegozjati ma’ gruppi ekonomiċi, li l-membri tagħhom spiss ikollhom sitwazzjonijiet differenti, u dan jista’ jirikjedi approċċi differenti għall-politika kummerċjali. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, ftehimiet kummerċjali komprensivi jistgħu, minnhom infushom, joħolqu sfida organizzattiva rigward in-negozjati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi li għadhom kemm ġew industrijalizzati.

5.6.

Involviment akbar mas-soċjetà ċivili għandu xi implikazzjonijiet għall-bini tal-kapaċità u l-ispejjeż, li għandhom jiġu indirizzati biex jiddaħħlu mekkaniżmi ta’ impenn effettivi. L-UE għandha timmira parti mill-Għajnuna għall-Kummerċ tagħha (jista’ jiġi identifikat perċentwal) għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, id-djalogu soċjali u l-bini tal-kapaċità, fir-rigward ta’ kummerċ sostenibbli u sforzi ta’ investiment.

5.7.

L-Afrika hija involuta wkoll fl-istabbiliment tal-Ftehim Afrikan Kontinentali ta’ Kummerċ Ħieles (AfCFTA), lejn suq Afrikan uniku. S’issa din għandha aktar minn 40 firmatarju u hija meqjusa bħala estremament sinifikanti minn ħafna atturi statali u mhux statali madwar l-Afrika. Dan għandu jsaħħaħ il-kummerċ intra-Afrikan u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali, u jiżviluppa setturi ewlenin tal-ekonomija fl-Afrika kollha. L-UE tista’ tappoġġja b’mod effettiv dan l-isforz u tgħin biex jiġi żgurat li r-reġimi kummerċjali preferenzjali tagħha ma’ pajjiżi u reġjuni Afrikani (FTAs tal-UE mal-Afrika ta’ Fuq, FSE u reġim ta’ SĠP) jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-integrazzjoni kummerċjali kontinentali, billi jimxu lejn ftehim ta’ kummerċ ta’ kontinent għal kontinent.

6.   Lejn “Alleanza Afrika-Ewropa” ġdida

6.1.

L-Afrika m’għandhiex bżonn karità: hija teħtieġ sħubija ġenwina u ġusta skont l-Alleanza għall-Investiment Sostenibbli u l-Impjiegi bejn l-Ewropa u l-Afrika proposta f’Settembru 2018. Il-proposta tiddikjara li din tista’ tgħin biex jinħolqu sa 10 miljun impjieg fl-Afrika fil-ħames snin li ġejjin biss. Għandu jkun impliċitu li dawn l-impjiegi għandhom jiggarantixxu dħul li jippermetti livell ta’ għajxien deċenti. L-Alleanza hija dwar l-iżblokkar ta’ investiment privat u l-esplorazzjoni ta’ opportunitajiet enormi li jistgħu jipproduċu benefiċċji kemm għan-nies u l-ekonomiji Afrikani kif ukoll dawk Ewropej. L-UE għandha tikkunsidra li tiżviluppa numru ta’ ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Afrika fi ftehim ta’ kummerċ ħieles ta’ kontinent għal kontinent, bħala sħubija ekonomika bejn partijiet ugwali. Bħala tali, l-Alleanza hija sinjal politiku importanti. Sħubija bħal din għandha tkun ibbażata fuq bażi ugwali, konxja mill-assimetriji, u tqis il-kapaċitajiet rispettivi.

6.2.

Sabiex issir alleanza reali, hemm bżonn ta’ riflessjoni miż-żewġ naħat, ħtieġa għal fehim, koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar miż-żewġ partijiet u ħtieġa:

għar-responsabbiltà tal-Afrika

li jmorru lil hinn mill-gvernijiet

li jinkludu l-atturi mhux statali kollha

li jkollhom l-għan li joħolqu ħajja deċenti għan-nies kollha fl-Afrika.

7.   Wara l-Ftehim ta’ Cotonou u r-rwol tas-soċjetà ċivili

7.1.

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet in-negozjati għal sħubija ambizzjuża ġdida ma’ 79 pajjiż tal-AKP. Kemm l-AKP kif ukoll l-UE jqisu d-“dimensjoni politika” bħala kisba tal-Ftehim ta’ Cotonou u jixtiequ jżommuha. Din tiffoka fuq id-djalogu politiku relatat ma’ kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali u globali ta’ interess reċiproku, kif ukoll impenn lejn id-drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u paċi u stabbiltà.

7.2.

Din ir-relazzjoni kummerċjali ġusta ġdida żviluppata mal-pajjiżi Afrikani għandha tippromovi xogħol deċenti u tappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi. Il-politika kummerċjali trid tiżgura rispett sħiħ u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, impjiegi ta’ kwalità u tal-ambjent, u trid tqis ukoll il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi inqas żviluppati. Il-kummerċ jista’ jkun opportunità kbira biss jekk joħloq impjiegi ta’ kwalità u jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli. Kull ftehim kummerċjali għandu jiżgura l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili organizzata, il-governanza tajba u t-trasparenza.

7.3.

Il-KESE kellu rwol ewlieni fit-trawwim tar-relazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Issa huwa importanti li l-impenn kontinwu u saħansitra akbar tal-KESE u tal-istrutturi tiegħu jsir element sostanzjali tal-ftehim ta’ wara Cotonou. B’dan il-mod is-soċjetà ċivili tal-UE se tkun tista’ tgħin lis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi Afrikani ssir sieħeb affidabbli u ta’ min jafdah għall-investituri.

Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 71.

(2)  https://www.africa-eu-partnership.org//sites/default/files/documents/eas2007_joint_strategy_en.pdf

(3)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 29.

(4)  Mifhuma bħala għajnuna umanitarja u f’każ ta’ diżastru, prevenzjoni ta’ kunflitti, demokratizzazzjoni, kooperazzjoni għall-iżvilupp, iżda mhux appoġġ u kooperazzjoni fil-qasam militari u tal-pulizija tal-fruntieri.

(5)  Bħad-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.

(6)  Studji juru li ċertu dħul minimu jwassal għal tnaqqis fil-pressjonijiet migratorji, ara fost oħrajn, Clemens, Does Development Reduce Migration? (2014) (http://ftp.iza.org/dp8592.pdf).

(7)  http://pubdocs.worldbank.org/en/992371492706371662/MigrationandDevelopmentBrief27.pdf.

(8)  Inter alia, ir-Rapport tal-Bank Dinji Doing Business 2017.

(9)  In-nota strateġika taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika, The Makings of an African Century (2017).

(10)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 27.

(11)  Il-Ministeru Ġermaniż għall-Iżvilupp “Afrika und Europa — Neue Partnerschaft für Entwicklung, Frieden und Zukunft — Eckpunkte für einen Marshallplan mit Afrika” (L-Afrika u l-Ewropa, sħubija ġdida għall-iżvilupp, għall-paċi u għall-futur: il-punti ewlenin għal Pjan Marshall mal-Afrika) u r-Rapport 2016 tal-UNCTAD “Economic Development in Africa Report 2016”.

(12)  i.a. Clemens, Does Development Reduce Migration? (2014) (http://ftp.iza.org/dp8592.pdf).

(13)  Africa's Development Dynamics 2018: Growth, Jobs and Inequalities, AUC/OECD 2018.

(14)  Eurostat 2018.

(15)  Bħad-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.

(16)  eż. https://www.deutschlandfunk.de/das-globale-huhn-ghanas-bauern-leiden-unter-gefluegel.766.de.html?dram:article_id=433177; https://www.wienerzeitung.at/nachrichten/wirtschaft/international/835163_Was-Altkleider-fuer-Afrikas-Wirtschaft-bedeuten.html; https://www.dialog-milch.de/im-fokus-eu-milchpulver-und-der-milchmarkt-in-afrika/


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-‘valur tal-użu’ reġa’ lura: aspettattivi u sfidi ġodda għall-prodotti u s-servizzi Ewropej”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/04)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

19.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

191/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaħseb li l-provvista ta’ prodotti u servizzi innovattivi u speċjalizzati ħafna b’karatteristiċi ewlenin magħrufa sew u ċċertifikati li jaqdu l-bżonnijiet tal-konsumaturi kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, jistgħu jsiru l-essenza u l-fokus tal-kompetittività Ewropea moderna. Din l-Opinjoni għandha l-għan li tistabbilixxi identità Ewropea skont il-bidliet soċjoekonomiċi globali u sistemiċi.

1.2.

Il-KESE jargumenta li l-iżviluppi reċenti qed jerġgħu jġibu lura l-valur tal-użu fuq quddiem nett tal-kompetizzjoni kontemporanja. Dan iservi bħala rkupru sostenibbli fil-produzzjoni Ewropea fis-setturi u l-industriji kollha. Minbarra l-impatt soċjoekonomiku dokumentat sew tagħhom, l-intrapriżi żgħar u medji Ewropej jistgħu jsiru fattur importanti għad-definizzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni tal-Ewropa fid-distribuzzjoni kontemporanja tax-xogħol, filwaqt li jirrispondu għad-domanda għal varjetà madwar id-dinja.

1.3.

Ir-“ritorn għall-valur tal-użu” huwa relatat mal-attributi bażiċi tal-Ewropa, fejn hawn diversità soċjokulturali, ġeoloġika u klimatika sinifikanti. Dan jenfasizza l-importanza tal-mira għal prodotti u servizzi speċjalizzati ħafna: għal raġunijiet ta’ kompetittività, il-proċessi ta’ produzzjoni għandhom ikunu konformi wkoll mal-politiki għas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali.

1.4.

Jekk inqisu l-ekonomiji ta’ skala enormi fl-ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw u ċ-ċaħda tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali flimkien mar-ritorn tal-protezzjoniżmu aggressiv f’ħafna pajjiżi żviluppati, l-adozzjoni ta’ xejriet ta’ produzzjoni speċjalizzati, kwalitattivi u sostenibbli x’aktarx li hija l-aħjar (jekk mhux l-unika) soluzzjoni għal din in-nassa, mhux biss għall-Ewropa iżda għad-dinja kollha.

1.5.

Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda interventi ta’ politika fid-direzzjonijiet li ġejjin: (i) il-governanza nazzjonali u tal-UE għandha tapplika taħlita ta’ politika orjentata lejn il-valur tal-użu, aġġustata b’mod spazjali skont il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet lokali; (ii) l-iżvilupp ta’ politika industrijali daqstant ambizzjuża għall-Ewropa u l-promozzjoni ta’ raggruppamenti u kooperazzjoni bejn il-produtturi (semi-) awtonomi, fejn il-preservazzjoni tal-varjetà taqbel mal-benefiċċji f’segmenti speċifiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott; (iii) il-ġeneralizzazzjoni ta’ simbjożi industrijali sabiex tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari; (iv) it-titjib tal-aċċess għar-riżorsi finanzjarji permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-unjoni tas-swieq kapitali u l-promozzjoni tiegħu ta’ għodod mikrofinanzjarji, kif ukoll permezz ta’ approċċi bankarji ekoloġiċi u relatati mal-valur tal-użu.

1.6.

L-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (VET) u t-Tagħlim tul-il-Ħajja (LLL) jipprovdu opportunità eċċellenti għan-netwerking u r-raggruppamenti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-bniedem, kif ukoll biex jissaħħu l-kapaċitajiet orizzontali kruċjali.

1.7.

Il-kapaċità tal-aċċess għad-data u l-immaniġġjar tad-data hija l-qasam li jmiss għall-intervent permezz ta’ politiki. Madankollu, tista’ tkun biċċa xogħol diffiċli mil-lat tekniku u legali biex jiġu żgurati kemm is-sovranità diġitali kif ukoll il-privatezza tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, il-produtturi ta’ prodotti u servizzi jrid ikollhom ukoll il-possibbiltà u l-kapaċità li jużaw il-metodi u l-proċessi meħtieġa, kemm diġitalizzati kif ukoll mhux. Flimkien mal-provvediment ta’ softwer b’sors miftuħ (OSS), din id-diskussjoni teħodna lura għall-ħtieġa ta’ VET u LLL.

2.   Sfond għal din l-Opinjoni

2.1.

“Valur tal-użu” huwa t-tweġiba għall-mistoqsija “għal xiex inhu utli prodott jew servizz?”. F’approċċ olistiku aktar wiesa’ dan jinkludi l-użi pożittivi jew negattivi differenti kollha, relatati b’mod dirett jew li jirriżultaw b’mod indirett. Il-valur tal-użu jirreferi għall-attributi reali, oġġettivi u/jew antiċipati b’mod suġġettiv kollha ta’ prodott jew servizz matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tiegħu (“mill-benniena sal-qabar”). Kull ħaġa, sew jekk materjali kif ukoll jekk le, li għandha valur tal-użu hija “ġid ekonomiku”. F’era ta’ “ekonomija kummerċjalizzata”, il-valur tal-iskambju (il-prezz) neħħa l-valur tal-użu mill-qafas tas-suq operattiv, biex b’hekk dan tal-aħħar fl-aħjar eventwalità suppost li kien indikat minn dak tal-ewwel.

2.2.

Illum il-ġurnata, minħabba li qed jitħaffef it-tkabbir tal-produttività tax-xogħol, il-ħtiġijiet tal-bniedem qed jiġu trasformati b’mod gradwali lejn is-sodisfazzjon ta’ xewqa għal varjetà aktar milli kwantità, li ilha żmien twil li ġiet issaturata fis-swieq dinjija ewlenin. B’mod ġenerali, il-preferenzi tal-konsumatur qed jiċċaqalqu lejn prodotti u servizzi ta’ kwalitajiet speċjalizzati, differenzjati u ċċertifikati. Dan jikkaratterizza anke s-swieq emerġenti, għal segmenti speċjali ta’ domanda lokali skont l-età, l-edukazzjoni, ix-xogħol, il-grad ta’ urbanizzazzjoni, eċċ.

2.3.

Mingħajr ebda sorpriża, l-aħħar aġġornamenti teknoloġiċi u proċedurali għandhom l-għan li jespandu l-produttività, mhux biss f’termini tal-produzzjoni ta’ kwantitajiet fuq skala enormi, iżda aktar importanti minn hekk f’termini tal-produzzjoni ta’ kwalitajiet differenzjati, biex b’hekk jittejjeb it-tqabbil dirett bejn il-produzzjoni u preferenzi eżistenti.

2.4.

Barra minn hekk, l-aċċellerazzjoni tal-bidla teknika qed twassal ukoll għal oġġetti li jitilfu l-karattru kummerċjali tipiku tagħhom u għal proċess ta’ dekummerċjalizzazzjoni gradwali, għalkemm fi gradi differenti f’industriji differenti. Dan kollu qed ipoġġi l-valur tal-użu lura fuq quddiem tal-kompetizzjoni kontemporanja, u jista’ jservi bħala l-bażi għal irkupru sostenibbli fil-produzzjoni Ewropea fis-setturi kollha.

2.5.

L-istituzzjonijiet tal-UE jidhru li rrikonoxxew dawn il-mutazzjonijiet strutturali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2017) 479 tiffoka fuq il-bżonn ta’ investiment f’industrija Ewropea intelliġenti, innovattiva u sostenibbli. Il-KESE rrisponda għall-konsultazzjoni b’Opinjoni (1), fejn enfasizza l-bżonn għall-espansjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li tingħata spinta lill-innovazzjoni rilevanti.

2.6.

F’Opinjoni esploratorja aktar reċenti, il-KESE sejjaħ għal “approċċ olistiku sabiex jiġu rrikonċiljati l-isfidi relatati ma’ tkabbir, klima, ambjent u problemi soċjetali f’disinn ta’ “tranżizzjoni ġusta”. Fuq din il-bażi, il-Kumitat kompla billi ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri “jadottaw strateġija fit-tul, komprensiva u b’viżjoni globali”, fejn “l-attraenza tal-Ewropa jeħtieġ tkun prijorità għal kwalunkwe politika industrijali bbażata fuq l-innovazzjoni u l-kompetittività” (2).

2.7.

Aktar reċenti, minħabba d-dilemma ta’ “spejjeż għoljin vs. l-indirizzar tal-Effett Serra”, l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar il-perspettiva industrijali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija (3) tinvestiga l-fattibbiltà teknika u legali ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri għall-prezz intern ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. F’dak id-dokument, il-KESE ta parir lill-Kummissjoni biex tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn dan u lejn għażliet ta’ politika oħrajn, bħal sistema riformata għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS), l-aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, u rata ta’ VAT aġġustata għall-intensità tal-karbonju.

2.8.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tmur pass ieħor ’il quddiem. Hija tirreferi għal dak li għandu jinkludi approċċ komprensiv lejn il-politika industrijali, sabiex tiġi pożizzjonata mill-ġdid il-produzzjoni Ewropea ta’ oġġetti u servizzi fil-kuntest globali, fuq il-bażi ta’ mudell ta’ suq miftuħ ekosoċjali li jwieġeb għat-tradizzjoni u l-ġejjieni tal-UE.

3.   Il-livell mikro

3.1.

Il-bidliet strutturali msemmija jaġġornaw l-“utilizzazzjoni” tal-SMEs: minbarra l-impatt soċjoekonomiku dokumentat sew tagħhom – li jżidu b’mod sinifikanti l-valur miżjud f’soċjetà moderna u joħolqu impjiegi ġodda – l-intrapiżi żgħar u ta’ daqs medju jistgħu jsiru l-fattur ewlieni fil-pożizzjonar mill-ġdid tal-produzzjoni Ewropea, fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-swieq speċjalizzati u d-domanda li qed tikber għal varjetà mad-dinja kollha.

3.2.

Ir-rikonoxximent tal-importanza kontemporanja tal-SMEs ma jagħmilhomx awtomatikament inqas vulnerabbli. Għalhekk, wieħed mill-għanijiet ta’ din l-Opinjoni huwa li tgħin biex jinstabu modi ġodda ta’ kif jiġu appoġġjati l-produtturi żgħar u ta’ daqs medju Ewropej biex jegħlbu żvantaġġi relatati mad-dimensjoni. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għall-promozzjoni ta’ metodi ġodda ta’ netwerking, raggruppament u kooperatiżmu, il-preservazzjoni tal-awtonomija tal-produtturi fl-interessi tal-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ kwalità differenzjata, filwaqt li xi segmenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-output manifatturat se jkunu indirizzati b’mod konġunt bl-użu tal-ekonomiji ta’ skala. Dan jista’ japplika, pereżempju, għad-disinnjar u l-promozzjoni ta’ prodotti, fl-istabbiliment ta’ inkubaturi u preinkubaturi ta’ negozji ġodda, fl-oqsma tat-trasport u l-loġistika, l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, l-aċċess għal, u l-użu, ta’ big data u bażijiet tad-data speċjalizzati, u l-interkonnettività fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari.

3.3.

It-titjib tal-aċċess għar-riżorsi u s-servizzi finanzjarji huwa vitali għall-kumpaniji Ewropej u speċjalment għall-SMEs. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija essenzjali, għax tippreżenta għodod ta’ mikrofinanzjament għall-innovazzjoni, negozji ġodda u kumpaniji mhux elenkati, kif ukoll metodi biex isir eħfef li jidħlu u jiġġeneraw kapitali fi swieq pubbliċi, eċċ. Barra minn hekk, minħabba l-importanza ta’ aspetti ambjentali u soċjali li huma relatati ma’ oġġetti u servizzi (jew b’mod dirett jew indirett), approċċi ta’ bbankjar ekoloġiċi u relatati mal-valur tal-użu għandhom jiġu promossi aktar. Ċentri ta’ kompetenza xierqa jistgħu jkunu ta’ ħafna għajnuna għall-inklużjoni ta’ prinċipji ta’ sostenibbiltà fl-operazzjoni tal-SMEs.

3.4.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, billi l-produtturi jiġu mħeġġa jikkollaboraw u jikkondividu r-riżorsi b’mod effiċjenti. Għal dan il-għan, barra milli jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi Ewropej jingħataw l-aktar informazzjoni oġġettiva, il-KESE jenfasizza wkoll il-ħolqien ta’ parks u distretti ekoindustrijali. Komunità ta’ negozji ta’ manifattura u ta’ servizzi tista’ ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali u ekonomika billi tikkollabora fuq il-ġestjoni ta’ kwistjonijiet ambjentali u ta’ riżorsi, inklużi l-enerġija, l-ilma u l-materjali. Din is-“simbjożi” spazjali trawwem il-kondiviżjoni tar-riżorsi bejn entitajiet fl-istess settur jew anki f’setturi differenti.

3.5.

Il-benefiċċji tas-simbjożi industrijali jistgħu jinħassu fil-livelli kollha tas-sostenibbiltà: it-twessigħ tal-konnessjonijiet ’il quddiem u lura fil-parks industrijali u d-distretti ta’ produzzjoni jibdel l-ispiża tar-rimi u t-trattament tal-iskart f’ċentru ta’ qligħ billi jnaqqas l-ispiża tal-materja prima, jimmassimizza l-użu tar-riżorsi u l-faċilitajiet li ma jintużawx biżżejjed, jaqsam l-ispiża ta’ infrastruttura ġdida, u jinvesti fil-kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati mill-istess settur jew anke minn setturi oħrajn.

3.6.

Barra minn hekk, l-immaniġġjar tar-riżorsi jsir sors ta’ innovazzjoni, billi jżid valur għal riżorsi “bla użu” jew li “ma jistgħux jiġu sfruttati” u jiftaħ opportunitajiet ta’ negozju ġodda, filwaqt li jippermetti l-konformità ma’ regolamenti u jelimina r-riskju li jiġġarrbu pieni finanzjarji. Daqstant ieħor huma l-benefiċċji ambjentali: permezz ta’ simbjożi industrijali, l-użu ta’ materja prima, il-ġenerazzjoni tal-iskart nett u l-emissjonijiet tal-karbonju jitnaqqsu mingħajr impatt negattiv fuq l-attività ekonomika. Dawn il-fatturi jistgħu jservu bħala l-bażi għal ċertifikazzjoni globali li tingħaraf tal-produzzjoni finali bl-għan li tiġi enfasizzata aktar il-kwalità tal-prodotti u servizzi Ewropej.

3.7.

It-titjib fil-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej, u speċjalment ta’ produtturi żgħar u ta’ daqs medju li jimmaniġġjaw b’mod effiċjenti kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti (l-intelliġenza tan-negozju hija terminu rilevanti ġdid) iżid iċ-ċans tagħhom li jsalvaw, iżda wkoll il-kapaċità tagħhom li jadattaw għal suq globali li qed jinbidel:

użu aktar intelliġenti tar-riżorsi, peress li data f’ħin reali dwar l-istat ta’ prodotti bħal vetturi u makkinarju ieħor jippermetti lill-kumpaniji jidentifikaw nuqqasijiet possibbli u jippjanaw manutenzjoni u tiswijiet kif xieraq, biex b’hekk jestendu t-tul tal-ħajja tal-prodotti;

sigurtà tal-provvista akbar li tirriżulta mit-tranżizzjoni li għaddejja lejn ekonomija ċirkolari, jiġifieri tnaqqis fid-dipendenza fuq riżorsi “verġni”, u żieda fl-użu ta’ oġġetti rriċiklati, li tirriżulta f’inqas esponiment għall-kumpaniji għal prezzijiet ta’ materja prima volatili, u b’hekk iżżid ir-reżiljenza tagħhom;

il-provvista ta’ prodotti bħala servizz, bl-użu ta’ sensers biex jiġi mmonitorjat l-użu tagħhom — il-konsumaturi jistgħu mbagħad iħallsu tariffi skont il-konsum tagħhom, filwaqt li l-kumpaniji jibqgħu s-sidien tal-prodott, u b’hekk il-prodotti jkunu jistgħu jintużaw għal perjodi itwal, bil-konsumaturi jħallsu biss għal dak li verament jużaw;

żieda fil-flessibbiltà u l-kompetittività bħala riżultat tal-indirizzar kif xieraq ta’ sfidi bħal volatilità akbar, interazzjoni mal-klijenti u lealtà, u l-kwistjoni ta’ spiża tar-rimi tal-iskart;

modi ġodda ta’ involviment kreattiv tal-konsumaturi, li bih il-kumpaniji jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ servizz aktar mill-qrib magħhom, u jadattaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom b’mod aktar effettiv.

3.8.

L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kwistjoni tan-netwerking u r-raggruppament tapplika wkoll għall-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa fost l-impjegati. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) enfasizza l-bżonn għal aktar kooperazzjoni, speċjalment fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, universitajiet, ċentri ta’ riċerka u kumpaniji. Il-ħiliet orizzontali għandhom jiġu msaħħa permezz ta’ proċessi inizjali kif ukoll ta’ tagħlim tul il-ħajja, sabiex jinħolqu proċessi ta’ manifattura aktar flessibbli u jiżdiedu l-kreattività u l-innovazzjoni, inkluż fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali, eċċ.

4.   Il-livell makro

4.1.

L-industrijalizzazzjoni mill-ġdid fis-sens tal-bini mill-ġdid ta’ struttura ta’ produzzjoni multisettorjali fl-Ewropa ħarġet bil-qawwa wara perjodu ta’ deindustrijalizzazzjoni u żieda fl-esternalizzazzjoni lejn reġjuni oħra, l-aktar dawk mhux Ewropej. Ir-restawr ta’ “ekosistema” diversa, produttiva u sostenibbli huwa rikonoxxut li għandu diversi effetti pożittivi fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku. Dan għaliex huwa: (i) joħloq rabtiet produttivi li jħarsu ’l quddiem u lura, (ii) isaħħaħ is-swieq lokali, (iii) inaqqas il-grad tad-dipendenza produttiva, biex b’hekk irawwem ir-reżiljenza tal-ekonomija lokali; u (iv) jipprovoka attivitajiet interdixxiplinarji ta’ riċerka u żvilupp li jżidu l-innovazzjoni fir-rigward tal-proċessi tal-produzzjoni u l-karatteristiċi tal-prodotti u servizzi offruti.

4.2.

Sabiex jinkiseb irkupru fil-produzzjoni Ewropea u tiġi sfruttata x-xejra globali eżistenti ta’ rilokalizzazzjoni, il-kompetittività Ewropea trid terġa’ tiġi stabbilita fil-qafas tas-swieq internazzjonalizzati kontemporanji. Ktajjen tal-valur globali jesperjenzaw bidliet sinifikanti: (i) kontrazzjoni kontinwa mill-kriżi finanzjarja globali; (ii) “reġjonalizzazzjoni” bħala strateġija ta’ tqarrib lejn is-swieq tal-konsumaturi ewlenin; (iii) ristrutturar tat-tkissir spazjali tal-ktajjen tal-produzzjoni.

4.3.

Il-prijoritizzazzjoni tal-kwalità fil-konfront tal-prezz u li l-prodotti jitilfu l-karattru kummerċjali tipiku tagħhom huma aspetti marbuta mal-attributi bażiċi tal-Ewropa – żona mimlija b’diversità soċjokulturali, ġeoloġika u klimatika, fejn, fl-istess ħin – jew forsi preċiżament għal dik ir-raġuni – l-SMEs għad għandhom rwol sinifikanti bħala “intensifikaturi” fl-ekonomija. Għalhekk, il-provvista ta’ prodotti u servizzi innovattivi u speċjalizzati ħafna b’karatteristiċi ewlenin magħrufa sew u ċċertifikati li jaqdu l-bżonnijiet tal-konsumaturi kif ukoll is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, jistgħu jsiru l-essenza u l-attenzjoni tal-kompetittività Ewropea moderna.

4.4.

Dan l-argument huwa aktar konvinċenti jekk nikkunsidraw id-dinja bipolari ġdida li qiegħda tevolvi: ekonomiji ta’ skala massivi f’ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw u ċ-ċaħda tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali flimkien mar-ritorn tal-protezzjoniżmu aggressiv f’ħafna pajjiżi żviluppati, bl-Ewropa maqbuda fin-nofs (pereżempju li tiġi affettwata mill-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina). Bidliet teknoloġiċi, soċjali u demografiċi spettakolari qed iġibu magħhom trasformazzjonijiet drammatiċi fin-natura u l-istruttura tal-ekonomija globali, u qed jitfaċċaw swieq u bżonnijiet lokali ġodda. L-adattament għal żviluppi sistemiċi u l-adozzjoni tal-karatteristiċi msemmija aktar kmieni ta’ produzzjoni speċjalizzata, kwalitattiva u sostenibbli jistgħu jipprovdu soluzzjoni, mhux biss għall-Ewropa iżda għad-dinja inġenerali.

5.   Proposta ta’ politika rilevanti fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE

5.1.

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kollha assoċjati mal-istabbiliment ta’ identità Ewropea u jiġi affermat mill-ġdid ir-rwol tal-prodotti u s-servizzi Ewropej fl-ekonomija globali, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jinvestu ammont konsiderevolment akbar ta’ riżorsi fir-riċerka u l-iżvilupp, fl-edukazzjoni, fl-infrastruttura, fil-kummerċjalizzazzjoni u fit-teknoloġiji innovattivi. Għal dan l-għan, kif irrakkomandat mill-imsieħba soċjali Ewropej, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra, hemm bżonn ta’ politika industrijali ambizzjuża għall-Ewropa li tiffoka fuq l-innovazzjoni, ir-regolamentazzjoni intelliġenti, is-sħubija soċjali, il-kummerċ ħieles, u r-responsabbiltà soċjali u ambjentali.

5.2.

Minħabba l-kompetizzjoni globali li qed tittrasforma u tintensifika b’mod rapidu, politika kummerċjali hija inevitabbli. Barra minn hekk, hija essenzjali biex jiġu miġġielda l-falliment tas-suq iġġenerati fuq livell intern. Madankollu, minflok tinqabad f’ċirku spirali ta’ protezzjoniżmu, il-governanza nazzjonali u tal-UE għandha tiżviluppa u tapplika taħlita ta’ politiki orjentata lejn il-valur tal-użu, bl-ispazju aġġustat skont il-karatteristiċi u l-bżonnijiet lokali: (i) miżuri ta’ standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni għal protezzjoni domestika u għal promozzjoni extra-Ewropea tad-ditti Ewropej; (ii) diplomazija ekonomika (pro)attiva li tisfrutta r-rabtiet politiċi, kulturali u soċjoekonomiċi internazzjonali; (iii) l-użu tal-akkwist mis-settur pubbliku bħala strument għall-infurzar ta’ standards kwalitattivi fis-swieq Ewropej; (iv) il-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura meħtieġa u l-arranġamenti istituzzjonali li jsaħħu aktar il-kompetittività tal-produzzjoni lokali.

5.3.

Ir-regolamenti dwar il-kummerċ intelliġenti msemmija hawn fuq għandhom jimxu id f’id mal-politiki industrijali intelliġenti tal-UE u nazzjonali: (i) applikazzjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni, ċibernetizzazzjoni u intelliġenza artifiċjali fil-produzzjoni; (ii) investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi differenzjati aktar u speċjalizzati ħafna; (iii) investiment fil-kapaċità teknika biex jiġu prodotti b’mod effiċjenti varjetajiet differenzjati; (iv) il-promozzjoni tar-raggruppament u l-kooperatiżmu ta’ produtturi (semi)awtonomi, li permezz tagħhom il-preservazzjoni tal-varjetà taqbel mal-benefiċċji tal-iskala f’segmenti speċifiċi u magħżula b’attenzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti; (v) ġeneralizzazzjoni tas-sistema ta’ simbjożi industrijali għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari; (vi) aktar tisħiħ tar-rabtiet bejn il-produzzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp, anki f’oqsma xjentifiċi inqas applikati (ara d-diskussjoni rilevanti għall-programm il-ġdid Orizzont Ewropa 2020-2025).

5.4.

B’mod partikolari għall-promozzjoni msemmija hawn fuq tar-raggruppament immirat u tas-simbjożi industrijali, se jkunu meħtieġa studji reġjonali speċifiċi għall-fergħa biex jiżvelaw is-segmenti tal-produzzjoni lokali fejn jistgħu jiġu stabbiliti t-tipi differenti ta’ netwerking u kooperatiżmu.

5.5.

Kif diġà ssemma, l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja it-tnejn huma għodod għan-netwerking u r-raggruppament sabiex jinkisbu benefiċċji ta’ skala rigward l-ispejjeż tal-iżvilupp uman li l-impjegaturi għandhom iġarrbu, kif ukoll mod kif jissaħħu l-kapaċitajiet kruċjali biex jiżdiedu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-aġġustabbiltà fil-proċess tal-produzzjoni. Politika Ewropea futura dwar l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja se jkollha tipprijoritizza dawn il-ħiliet orizzontali f’varjetà ta’ modijiet, inkluż metodi ta’ tagħlim ġodda, l-użu ta’ teknoloġija aġġornata u mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda, li bihom unitajiet ta’ produzzjoni jiġu megħjuna jadottaw l-aktar kisbiet ġodda u jużawhom fl-iżvilupp ta’ prodotti differenzjati ġodda.

5.6.

Il-kapaċità tal-aċċess għad-data u l-ġestjoni tad-data hija l-qasam li jmiss tal-intervent tal-politika li jirreferi għall-iskop tal-appoġġ tal-produtturi u l-fornituri tas-servizzi Ewropej fir-rispons għall-evoluzzjoni kontemporanja tas-swieq globalizzati u l-utilizzazzjoni tal-vantaġġ komparattiv tagħhom f’oġġetti u servizzi speċjalizzati ħafna. Dan huwa essenzjali b’mod speċjali għall-SMEs. Madankollu, il-ħelsien tal-aċċess għad-data jimxi id f’id ma’ żieda fir-riskju ta’ abbuż tad-data. Tista’ tkun biċċa xogħol diffiċli mil-lat tekniku u legali biex jiġu żgurati kemm is-sovranità diġitali kif ukoll il-privatezza tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, iżda fl-istess ħin dan huwa essenzjali.

5.7.

Fl-aħħar nett, flimkien mal-aċċess li diġà huwa eħfef għal ammont ta’ data li qed jikber b’mod esponenzjali, il-produtturi ta’ prodotti u servizzi jeħtieġ ukoll li jkollhom il-possibbiltà u l-kapaċità li jużaw is-“sett ta’ għodod” meħtieġ għall-ġestjoni tad-data li tikkonsisti minn metodi u proċessi, diġitalizzati jew le. L-intelliġenza tan-negozju huwa terminu relattivament ġdid fil-letteratura rilevanti u jiddeskrivi eżatt il-kapaċità li jintużaw informazzjoni u settijiet ta’ data. Flimkien mal-interventi tekniċi u legali għall-provvista ta’ softwer b’sors miftuħ (OSS), din id-diskussjoni teħodna lura għall-ħiliet orizzontali rilevanti li jridu jiġu żviluppati permezz tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 70.

(2)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 10.

(3)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 59.


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad — Pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/05)

Relatur:

Oliver RÖPKE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.3.2018

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta; Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

15.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

141/65/14

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fis-Summit Soċjali tal-UE li sar fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Gothenburg, ġie pproklamat solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR). Sabiex il-Pilastru jibda jiffunzjona, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu passi konkreti għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirreferi għall-prinċipju 13 tal-EPSR dwar il-benefiċċji tal-qgħad, li jgħid li l-persuni qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ xieraq mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u għal benefiċċji xierqa għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Dawn il-benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol.

1.3.

L-assigurazzjoni tal-qgħad hija parti integrali mis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istati Membri kollha, minkejja l-fatt li tinsab f’forom nazzjonali differenti. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li standards aħjar fis-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri jippermettu funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol u li l-Istati Membri li għandhom sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad aktar ġenerużi, u nfiq ogħla għall-politiki u miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, huma aktar kapaċi jintegraw mill-ġdid lill-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol b’mod sostenibbli (1). Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-funzjoni importanti bħala stabbilizzatur awtomatiku.

1.4.

Bħalissa jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-KESE jirreferi għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2019, li jenfasizza l-importanza li jingħataw biżżejjed benefiċċji tal-qgħad fi żmien raġonevoli, li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess għalihom u li jkunu akkumpanjati minn politiki effettivi tas-suq tax-xogħol, sabiex dawk li jfittxu l-impjieg jiġu appoġġjati biex jidħlu lura fis-suq tax-xogħol (2).

1.5.

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal standards għolja (3) fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali u għalhekk jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għall-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri. Il-miri għandhom jiġu stabbiliti għar-rata netta ta’ sostituzzjoni, għall-perjodu tal-eliġibbiltàgħar-rata ta’ kopertura. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għat-taħriġ u l-attivazzjoni.

1.6.

Bħala l-ewwel pass, il-miri għall-benefiċċji tal-qgħad għandhom jiġu stabbiliti u mmonitorjati fi proċess tal-parametru referenzjarju fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-EPSR għandu jkollu wkoll impatt fuq il-governanza ekonomika fl-UE (4). Fil-fehma tal-KESE, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom jinkludu miri konkreti b’rabta mar-rata netta ta’ sostituzzjoni, il-perjodu tal-eliġibbiltàr-rata ta’ kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll mat-taħriġ u l-attivazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jitfasslu mill-Kummissjoni, jiġu adottati mill-Kunsill u jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew.

1.7.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida integrati (5). Skont il-linja gwida 7 tal-linji gwida dwar l-impjiegi 2018 (6), li se jibqgħu fis-seħħ għall-2019 (7), jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali għalkemm tali benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol.

1.8.

L-EPSR huwa akkumpanjat minn tabella ta’ valutazzjoni bbażata fuq il-politika soċjali li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pilastru billi ssegwi x-xejriet u l-progress fl-Istati Membri u tinkorporahom fis-Semestru Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda li fil-futur il-benefiċċji tal-qgħad jiġu mmonitorjati wkoll fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali. Barra minn hekk, jirrakkomanda li jiġi stabbilit proċess tal-parametru referenzjarju għall-benefiċċji tal-qgħad biex jikkomplementa t-tabella ta’ valutazzjoni bbażata fuq il-politika soċjali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’mod espliċitu l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi tal-parametru referenzjarju għall-benefiċċji tal-qgħad, u jqis li dawn l-isforzi għandhom jiġu intensifikati u akkumpanjati minn proċess ta’ monitoraġġ kontinwu.

1.9.

L-għan tal-proċess tal-parametru referenzjarju li ġie propost għall-benefiċċji tal-qgħad huwa l-konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri u funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol. Il-proċess tal-parametru referenzjarju għandu jkun ibbażat fuq analiżi tal-istatus quo, li m’għandhiex tkun imqassra jew vaga. Il-proċess tal-parametru referenzjarju m’għandux ikun limitat għal monitoraġġ u evalwazzjoni. L-Istati Membri għandhom jitgħallmu minn xulxin billi janalizzaw lil dawk bl-aqwa prestazzjoni (tagħlim komparattiv) u jimplimentaw titjib (azzjoni komparattiva).

1.10.

Il-proċess tal-parametru referenzjarju tal-benefiċċji tal-qgħad għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni, u l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti b’mod aktar kontinwu u intensiv fl-iffissar tal-parametri referenzjarji.

1.11.

Maż-żmien il-miri soċjali għandhom iwasslu għal konverġenza soċjali. Il-persuni għandhom ikunu konxji tal-fatt li l-prinċipji tal-EPSR, mhumiex stipulati biss fuq il-karti, iżda huma implimentati wkoll b’mod konkret u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom b’mod gradwali.

1.12.

Il-KESE jirrakkomanda li r-riżultati tal-proċess tal-parametru referenzjarju jiġu mmonitorjati u evalwati mill-qrib. Jekk ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, għandu jiġi introdott strument legalment vinkolanti li jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tagħhom. Minbarra Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiggwida lill-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolamentrata ta’ kopertura. Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad.

1.13.

Standards minimi legalment vinkolanti jiġu applikati b’mod gradwali matul perjodu xieraq ta’ żmien iddeterminat b’tali mod li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jilħqu l-istandards komuni.

1.14.

Kif enfasizzat fl-Artikolu 153 tat-TFUE, il-kompetenza rikonoxxuta tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-prinċipji bażiċi tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom u l-bilanċ finanzjarju tagħhom m’għandhomx jiġu affettwati b’mod sinifikanti. Dan il-prinċipju għandu jiġi rispettat irrispettivament mill-forma jew is-sustanza tas-sistema fl-Istat Membru. L-Istati Membri ma jinżammux milli jeżerċitaw id-dritt previst fit-Trattat sabiex iżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti. L-organizzazzjoni differenti tas-sistemi ta’ assigurazzjoni nazzjonali, l-involviment tal-imsieħba soċjali kif ukoll il-finanzjament għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.

2.   Il-punt ta’ tluq u l-kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Wara l-esperjenzi koroh tal-kriżi ekonomika u finanzjarja mill-2008 u l-instabbiltà li din ġabet magħha, issa l-ekonomija qed terġa’ tikber u r-rati tal-qgħad qed jonqsu. Madankollu, l-irkupru attwali tas-swieq tax-xogħol mhuwiex qed jipproċedi bl-istess pass fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi tal-popolazzjoni kollha. Il-KESE jirreferi f’dan ir-rigward għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2019 (8).

2.2.

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kunsill li l-Istati Membri u l-UE għandhom jindirizzaw l-impatti soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu soċjetà inklużiva. Jenħtieġ li jiġu indirizzati l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni. L-aċċess u l-opportunitajiet għandhom jiġu żgurati għal kulħadd u l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jitnaqqsu, b’mod partikolari billi jiġu żgurati swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali li jiffunzjonaw tajjeb (9).

2.3.

Permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-UE stabbilixxiet l-għan li sal-2020, tnaqqas l-għadd ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali b’20 miljun. Dan l-għan għadu ’l bogħod wisq milli jintlaħaq. Għalkemm rajna titjib kontinwu mill-2012 (meta kważi 25 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE kienet tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali), l-Ewropa għadha qed taffaċċja sfidi enormi. Fl-2018, kważi 22 % tal-popolazzjoni Ewropea kienet tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (10).

2.4.

L-assigurazzjoni tal-qgħad hija parti integrali mis-sistemi soċjali tal-Istati Membri kollha. Din toffri xibka ta’ sikurezza għall-ħaddiema f’każ li dawn jitilfu l-impjieg tagħhom u toffri protezzjoni kontra l-faqar. Fl-istess ħin, il-benefiċċji tal-qgħad huma stabbilizzaturi awtomatiċi, peress li f’każ ta’ żieda globali fir-rati tal-qgħad, l-introjtu u għalhekk il-konsum ma jonqsux b’mod konsiderevoli. Benefiċċji tal-qgħad effettivi u xierqa jippermettu wkoll lill-ħaddiema jsibu impjieg li jissodisfa l-aspettattivi u l-kwalifiki tagħhom jew li jitħarrġu mill-ġdid bħala parti minn politika attiva tas-suq tax-xogħol.

2.5.

F’dawn l-aħħar snin, il-protezzjoni soċjali ddgħajfet f’xi Stati Membri b’konsegwenza tal-kriżi politika. L-għadd ta’ persuni li jemmnu li l-interessi u l-ħtiġijiet soċjali tagħhom fl-UE mhumiex qed jiġu rispettati qed kulma jmur jiżdied. Għall-ewwel darba, il-Brexit wassal għal treġġigħ lura tal-integrazzjoni Ewropea. Dawn l-iżviluppi għandhom jitqiesu bħala sinjal ta’ twissija. Fil-fehma tal-KESE, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà futura tal-UE u terġa’ tinkiseb il-fiduċja tan-nies, jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE, inkluż l-indirizzar ta’ sfidi attwali oħrajn bħat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni. Dan jirrikjedi impenn fil-livelli kollha, inklużi l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili abbażi ta’ ekonomija stabbli, sostenibbli u inklużiva (11).

2.6.

Fis-Summit Soċjali tal-UE li sar fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Gothenburg, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea pproklamaw solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR). Sabiex dan jibda jiffunzjona, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jieħdu passi konkreti biex jimplimentawh b’mod effettiv. Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, li għadha kemm ġiet eletta ħabbret pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019–2024. Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-EPSR billi jipproponi miri għall-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri.

2.7.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirreferi għall-prinċipju 13 tal-EPSR dwar il-benefiċċji tal-qgħad, li jgħid li l-persuni qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ xieraq mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u għal benefiċċji xierqa għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Dawn il-benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol.

2.8.

F’dan il-kuntest, il-KESE jirreferi għall-prinċipju 17 tal-EPSR skont liema l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għal appoġġ għall-introjtu, sabiex dawn jiġu żgurati ħajja dinjituża u servizzi li jippermettulhom jieħdu sehem fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali. Fir-rigward tal-perjodu ta’ intitolament fl-assigurazzjoni tal-qgħad, għandu jitqies li t-tfittxija għal impjieg ġdid jew it-taħriġ tal-persuni b’diżabbiltà huma aktar diffiċli u jirrikjedu aktar żmien.

2.9.

L-assigurazzjoni tal-qgħad hija parti integrali mis-sistemi soċjali tal-Istati Membri kollha. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad huma mfassla b’mod differenti ħafna, anke f’termini ta’ eliġibbiltà, ammont, tul u mod ta’ kalkolu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għall-benefiċċji tal-qgħad fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-benefiċċji soċjali fundamentali abbażi ta’ regoli komuni fil-livell tal-UE (12). Jirrakkomanda evalwazzjoni kontinwa tal-proċess tal-parametru referenzjarju. Tista’ tintuża Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jinbdew u jiġu ggwidati dibattiti u riformi fl-Istati Membri rigward l-introduzzjoni ta’ standards minimi komuni, u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam.

2.10.

Jekk, maż-żmien, ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolamentrata ta’ kopertura. Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad. Ir-rekwiżiti minimi m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu standards ogħla (ara l-punt 16 tal-preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali). L-istandards eżistenti fl-Istati Membri m’għandhomx jitnaqqsu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri flimkien ma’ applikazzjoni xierqa ta’ klawsola ta’ nonrigressjoni (biex jiġi evitat rigress minħabba l-introduzzjoni ta’ standards minimi). B’dan il-mod se jitqies l-għan tal-UE biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol f’termini ta’ konverġenza ’l fuq bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 151 tat-TFUE).

2.11.

Fir-rigward tal-għajnuna lill-persuni qiegħda, għandha ssir distinzjoni bejn il-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali (il-benefiċċji tal-assigurazzjoni) u l-assistenza soċjali. Normalment, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni huma bbażati fuq il-kontribuzzjonijiet u jirrikjedu perjodu speċifiku ta’ impjieg. L-assistenza soċjali hija benefiċċju soċjali mhux kontributorju, iffinanzjat mit-taxxi, imfassla biex tgħin lill-persuni li ma jaffordjawx jgħixu waħedhom u li huma soġġetti għal valutazzjoni tal-ħtiġijiet. F’din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE jittratta l-benefiċċji relatati mas-sigurtà soċjali.

2.12.

Flimkien mad-dibattitu dwar it-tisħiħ tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tinħoloq funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni għaż-żona tal-euro (b’opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati Membri barra miż-żona tal-euro), li għandha tagħmilha aktar faċli sabiex fil-futur ikun hemm reazzjoni aħjar fir-rigward tax-xokkijiet asimmetriċi. Bħala alternattiva possibbli għal funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ssemmi l-ħolqien ta’ Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad bħala “fond ta’ riassigurazzjoni” għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad nazzjonali (13). Din il-proposta bbażata fuq il-politika fiskali, li bħalissa qed tiġi diskussa b’mod kontroversjali, għandha tiġi sseparata b’mod ċar minn din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, li hija proposta bbażata fuq il-politika soċjali għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE.

2.13.

Reċentement, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ standards minimi fl-UE kollha fl-iskemi tal-qgħad nazzjonali, sabiex, fost l-oħrajn, ikun żgurat li kull persuna li tkun qed tfittex impjieg tista’ tibbenefika minn appoġġ finanzjarju (14). Attwalment, il-Kumitat qed jissodisfa dan il-mandat b’din l-Opinjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Skont il-linja gwida 7 tal-linji gwida dwar l-impjiegi 2018 (15), li se jibqgħu fis-seħħ għall-2019 (16), jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Din ir-rakkomandazzjoni tfisser li l-EPSR ġie inkorporat fil-linji gwida tal-politika dwar l-impjiegi.

3.2.

It-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni affettwati jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali huwa wieħed mill-ħames għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u wieħed mis-17-il għan tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tabella ta’ valutazzjoni bbażata fuq il-politika soċjali stabbilita fil-kuntest tal-EPSR tissorvelja wkoll ix-xejriet u l-progress fl-Istati Membri fir-rigward tal-persuni affettwati jew mhedda mill-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

3.3.

Il-KESE jfakkar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li l-perjodu tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-assigurazzjoni tal-qgħad għandu impatt dirett fuq ir-riskju tal-faqar fost il-persuni qiegħda. L-Istati Membri li għandhom sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad aktar ġenerużi u nfiq ogħla fuq politiki u miżuri attivi fis-suq tax-xogħol huma aktar kapaċi jintegraw mill-ġdid lill-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol (17). Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Il-perjodu massimu tal-eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-qgħad ivarja minn 90 jum fl-Ungerija għal perjodu indefinit tal-eliġibbiltà fil-Belġju (18).

3.4.

Fil-fehma tal-KESE, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għandhom jitfasslu b’tali mod li jiżguraw standard ta’ għajxien diċenti f’każ ta’ riskju bħall-qgħad. Għaldaqstant, l-ammont tal-benefiċċju tal-assigurazzjoni tal-qgħad, jiġifieri r-rata netta ta’ sostituzzjoni, għandu jkun raġonevoli. Anke f’dan ir-rigward jeżistu differenzi kbar fi ħdan l-UE. Ir-rati netti ta’ sostituzzjoni għal ħaddiem b’paga baxxa b’esperjenza qasira ta’ xogħol (sena) ivarjaw minn anqas minn 20 % tal-qligħ (nett) preċedenti fl-Ungerija sa madwar 90 % fil-Lussemburgu (19).

3.5.

L-għadd ta’ persuni qiegħda li jirċievu benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad bħala proporzjon tal-għadd totali tal-persuni qiegħda, huwa espress bir-rata ta’ kopertura (ir-rata ta’ identifikazzjoni). Ir-rata ta’ kopertura tingħata f’kull każ b’rabta ma’ perjodu speċifiku tal-qgħad (pereżempju proporzjon tal-persuni qiegħda li jirċievu benefiċċju wara li jkunu ilhom qiegħda għal sena). Anke f’dan ir-rigward jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Bħala medja, il-proporzjon ta’ persuni qiegħda fuq perjodu ta’ żmien qasir (dawk li jkunu ilhom qiegħda għal anqas minn sena) li jirċievu benefiċċji tal-qgħad jikkostitwixxi biss terz tan-nies qiegħda. Il-Ġermanja għandha l-ogħla rata ta’ kopertura b’madwar 63 %. B’kuntrast ma’ dan, ir-rati ta’ kopertura f’Malta, il-Kroazja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija huma ferm taħt il-15 % (20).

3.6.

Rata ta’ kopertura baxxa fi Stat Membru jista’ jkollha kawżi differenti. Kawża minnhom hija l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ qiegħda li ma jirnexxilhomx jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ spiss ma jkunux jissodisfaw ir-regoli ta’ eliġibbiltà minħabba li ma jkunux ikkompletaw perjodi ta’ impjieg. Għalhekk, iż-żgħażagħ qiegħda ma jirċevux benefiċċji f’ħafna każijiet.

3.7.

Għal darb’oħra, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni (skolastika) għas-suq tax-xogħol. Dawn għandhom jingħataw l-akbar appoġġ possibbli, sabiex jiġi żgurat li dawn jintegraw malajr fis-suq tax-xogħol.

3.8.

It-tul tal-qgħad jaffettwa wkoll ir-rata ta’ kopertura. Filwaqt li r-rata ta’ kopertura għall-persuni qiegħda fuq perjodu ta’ żmien qasir fil-medja tal-UE hija ta’ madwar terz, din hija aktar baxxa għall-qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil peress li fil-maġġoranza tal-Istati Membri t-tul tal-benefiċċji tal-qgħad huwa limitat fiż-żmien. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita mira fir-rigward tar-rata ta’ kopertura għall-persuni qiegħda fuq perjodu ta’ żmien qasir (dawk li jkunu ilhom qiegħda għal anqas minn sena).

3.9.

Kawża oħra għal rata ta’ kopertura baxxa hija l-forom ġodda ta’ impjiegi kif ukoll l-impjiegi atipiċi u prekarji, li jagħmluha diffiċli sabiex wieħed jissodisfa r-regoli ta’ eliġibbiltà. B’referenza għall-ftehim politiku tal-Kunsill dwar Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-KESE jappella għal soluzzjoni komprensiva fir-rigward tar-rikonoxximent tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema f’forom ġodda ta’ impjieg (21).

3.10.

Skont l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kull persuna għandha d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u b’mod inklużiv sabiex iżżomm u tikseb ħiliet li jippermettulha tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u timmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-KESE japprova l-miri għat-taħriġ u l-attivazzjoni u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-iżgurar tad-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd għandu jkun fuq l-aġenda tal-UE (22).

3.11.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea, li standards aħjar fis-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri jippermettu funzjonament aħjar tas-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, standards baxxi ma jimplikawx neċessarjament nefqa pubblika aktar baxxa, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-persuni qiegħda li ma jkunux qed jirċievu benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad, jirċievu forom oħrajn ta’ appoġġ pubbliku (pereżempju assistenza tal-qgħad jew introjtu minimu). Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-Kummissjoni li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-infiq addizzjonali għall-iżgurar aħjar tal-istandards tal-assigurazzjoni tal-qgħad flimkien ma’ politika attiva tas-suq tax-xogħol – f’perjodu relattivament qasir – jiġi kkumpensat b’żieda fl-impjiegi u għaldaqstant bi dħul ogħla mit-taxxi kif ukoll tkabbir ekonomiku aktar mgħaġġel (23).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Bħalissa jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-KESE jirreferi għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2019, li jenfasizza l-importanza li jingħataw biżżejjed benefiċċji tal-qgħad fi żmien raġonevoli, li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess għalihom u li jkunu akkumpanjati minn politiki effettivi tas-suq tax-xogħol, sabiex dawk li jfittxu l-impjieg jiġu appoġġjati biex jidħlu lura fis-suq tax-xogħol (24).

4.2.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għall-benefiċċji tal-qgħad għall-Istati Membri. Il-miri għandhom jiġu stabbiliti għar-rata netta ta’ sostituzzjoni, għall-perjodu tal-eliġibbiltàgħar-rata ta’ kopertura. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għat-taħriġ u l-attivazzjoni.

4.3.

Il-KESE jilqa’ b’mod espliċitu l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex jiġi implimentat l-ESPR, inkluż fis-Semestru Ewropew, u sabiex jiġi promoss proċess tal-parametru referenzjarju għall-prestazzjoni tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad nazzjonali (fost l-oħrajn permezz tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi). Il-valutazzjoni komparattiva hija ġustament meqjusa għodda importanti għall-implimentazzjoni tal-ESPR. Dawn l-isforzi għandhom jiġu intensifikati u marbuta ma’ proċess ta’ monitoraġġ. L-għan tal-proċess tal-parametru referenzjarju tal-benefiċċji tal-qgħad għandu jkun li jikkontribwixxi għal konverġenza soċjali ’l fuq fl-UE u għal funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol.

4.4.

Fil-fehma tal-KESE, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom jinkludu miri konkreti b’rabta mar-rata netta ta’ sostituzzjoni, il-perjodu tal-eliġibbiltàr-rata ta’ kopertura, kif ukoll mat-taħriġ u l-attivazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-approċċ tal-Kummissjoni jiġi appoġġjat bil-fatt li benefiċċji aktar ġenerużi għandhom jimxu id f’id ma’ attivazzjoni korrispondenti tal-persuni qiegħda.

4.5.

Is-suċċess tas-suq intern jiddependi ħafna fuq l-effiċjenza tas-swieq tax-xogħol u tas-sistema soċjali kif ukoll fuq il-kapaċità tal-ekonomiji Ewropej li jadattaw ruħhom għal xokkijiet. Fuq din il-premessa, l-Istrateġija Ewropa 2020 ġiet stabbilita bħala strateġija għat-trasformazzjoni tal-UE f’ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva bil-ħsieb li jinkisbu livelli għoljin ta’ impjieg, produttività u koeżjoni soċjali (25). Il-KESE jirrimarka li l-UE mhijiex se tilħaq il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas b’20 miljun l-għadd ta’ persuni affettwati jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.

4.6.

Fil-fehma tal-KESE, wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019, il-prijorità għall-Kummissjoni kostitwita ġdida għandha tkun li tipproponi miżuri biex ittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u għal konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri. Hija meħtieġa wkoll strateġija ġdida dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020.

4.7.

Bħalissa l-Istati Membri qegħdin jiddiskutu d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020. Fost affarijiet oħra, titqajjem il-kwistjoni dwar liema aspetti ewlenin għandhom jiddeterminaw id-dimensjoni soċjali futura (26). Fil-fehma tal-KESE, il-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħoll-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma aspetti ewlenin tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa ta’ wara l-2020. Il-miri għall-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti f’dan ir-rigward.

4.8.

Maż-żmien il-miri soċjali għandhom iwasslu għal konverġenza soċjali. In-nies jeħtieġ li jaraw li d-drittijiet u l-prinċipji, bħal dawk fl-ESPR, ma jeżistux biss fuq il-karta, iżda huma implimentati wkoll b’mod konkret u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom b’mod gradwali.

4.9.

Jekk il-miri stabbiliti b’rabta mas-Semestru Ewropew ma jkunux effettivi biżżejjed, il-KESE jirrakkomanda, fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020, li tiġi introdotta Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolamentrata ta’ kopertura. Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Skeda Informattiva Tematika tas-Semestru Ewropew – Il-benefiċċji tal-qgħad – 2017.

(2)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(3)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165.

(4)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.

(5)  ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4.

(6)  ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4.

(7)  ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.

(8)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(9)  ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4.

(10)  Eurostat, 16.10.2019.

(11)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1.

(12)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.

(13)  COM(2017) 822 final, 6.12.2017.

(14)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7.

(15)  ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4.

(16)  ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.

(17)  Skeda Informattiva Tematika tas-Semestru Ewropew – Il-benefiċċji tal-qgħad – 2017.

(18)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(19)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(20)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(21)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7.

(22)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8, u l-Opinjonijiet tal-KESE ĠU C 14, 15.1.2020, p. 1ĠU C 14, 15.1.2020, p. 46.

(23)  Skeda Informattiva Tematika tas-Semestru Ewropew – Il-benefiċċji tal-qgħad – 2017.

(24)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(25)  COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.

(26)  Kunsill EPSCO ST 6622 2019 INIT, 27.2.2019.


ANNESS

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

1.   Punt 1.12

Ibdel it-test kif ġej:

Il-KESE jirrakkomanda li r-riżultati tal-proċess tal-parametru referenzjarju jiġu mmonitorjati u evalwati mill-qrib. Jekk ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, għandu jiġi introdott kkunsidrat qafas strument legali ment vinkolanti li jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tagħhom. Minbarra Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiggwida lill-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda li jitqies qafas legali vinkolanti l-introduzzjoni ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li t jistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi Dan il-qafas legali għandu jinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura . Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

64

Kontra:

119

Astensjonijiet:

19

2.   Punt 2.10

Jekk, maż-żmien, u wara monitoraġġ u valutazzjoni mill-qrib tar-riżultati, ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni li jiġi kkunsidrat qafas legali vinkolanti ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li t jistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi Dan il-qafas legali għandu jinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura . Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad. Ir-rekwiżiti minimi m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu standards ogħla (ara l-punt 16 tal-preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali). L-istandards eżistenti fl-Istati Membri m’għandhomx jitnaqqsu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri flimkien ma’ applikazzjoni xierqa ta’ klawsola ta’ nonrigressjoni (biex jiġi evitat rigress minħabba l-introduzzjoni ta’ standards minimi). B’dan il-mod se jitqies l-għan tal-UE biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol f’termini ta’ konverġenza ’l fuq bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 151 tat-TFUE).

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

63

Kontra:

122

Astensjonijiet:

18

3.   Punt 4.9

Jekk, wara monitoraġġ u evalwazzjoni mill-qrib, il-miri stabbiliti b’rabta mas-Semestru Ewropew ma jkunux effettivi biżżejjed, il-KESE jirrakkomanda, fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020, li jiġi kkunsidrat tiġi introdotta Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE qafas legali vinkolanti li jistabbilixxi tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi Dan il-qafas legali għandu jinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura . Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

63

Kontra:

122

Astensjonijiet:

21


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b’diżabilità 2020-2030: kontribut mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/06)

Relatur:

Ioannis VARDAKASTANIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

15.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

178/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tikkunsidra serjament ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet li ġejjin meta tfassal l-Aġenda għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2020-2030 (l-Aġenda), biex tiġi implimentata b’mod aktar sħiħ il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), u biex jintlaħqu l-impenji tagħha skont l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), fejn id-diżabilità tissemma’ 11-il darba. Il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

1.2.

Li l-punti fokali dwar id-diżabilità (DFP) ikunu preżenti fid-DĠs u l-aġenziji kollha tal-KE, u fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, bid-DFP ċentrali fis-segretarjat ġenerali tal-KE, fid-dawl tan-natura trasversali tal-kwistjonijiet ta’ diżabilità, u li Kumitat għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità magħmul minn dawn id-DFPs jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Aġenda. Billi issa se jkun hemm Kummissarju għall-Ugwaljanza, huwa wkoll essenzjali li jkun hemm DFP fid-DĠ Ġustizzja.

1.3.

Li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu interistituzzjonali bejn il-KE, il-Parlament u l-Kunsill (1), bil-presidenti tagħhom jiltaqgħu fil-bidu ta’ kull mandat. Il-KESE jitlob ukoll li jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma dwar id-diżabilità fi ħdan il-Kunsill, biex dan jiġi ffaċilitat.

1.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-mezzi neċessarji, ir-riżorsi umani u l-appoġġ finanzjarju kollu disponibbli għall-Qafas ta’ Monitoraġġ tas-CRPD tal-UE, biex ikun żgurat li jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 33(2) tas-CRPD.

1.5.

Li jiġi stabbilit Bord ta’ Aċċess Ewropew biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-aċċessibbiltà.

1.6.

Li l-KE teżamina mill-ġdid il-kompetenzi kondiviżi tagħha mal-Istati Membri li jirriżultaw mis-CRPD u d-dritt tal-Unjoni, sabiex tistabbilixxi fejn l-UE tista’ taħdem flimkien mal-Istati Membri għall-implimentazzjoni. Dan għandu jsir billi tiġi prodotta Dikjarazzjoni ta’ Kompetenzi li tirrevedi d-dikjarazzjoni ta’ kompetenzi esklussivi tal-UE u tikkonkludi l-Protokoll Fakultattiv għas-CRPD.

1.7.

Li l-KE tinkludi l-prinċipji tal-Pilastru Soċjali fl-Aġenda, bi proposti partikolari għall-implimentazzjoni tal-Prinċipju 17 dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità (PWD).

1.8.

Li jittieħdu azzjonijiet konkreti biex tiġi implimentata l-Aġenda. L-azzjonijiet l-aktar urġenti li għandhom jittieħdu għandhom ikunu dawn li ġejjin: l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li tiġġieled kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità (2), direttiva li tarmonizza r-rikonoxximent tal-evalwazzjoni tad-diżabilità fl-UE biex tiġi faċilitata l-libertà tal-moviment tal-PWD, miżuri li jiggarantixxu d-drittijiet tal-PWD għal parteċipazzjoni politika fil-livell tal-UE u gwida għall-Istati Membri biex jiżguraw l-istess fil-livell nazzjonali, leġislazzjoni vinkolanti li tarmonizza l-istandards ta’ aċċessibbiltà għall-ambjent mibni, miżuri li jarmonizzaw standards minimi għal akkomodazzjoni raġonevoli fuq il-post tax-xogħol u li jistabbilixxu linji gwida dwar standards minimi għal-livelli tal-benefiċċji tad-diżabilità u l-provvista ta’ servizzi, inkluż appoġġ għal għajxien indipendenti u, fejn possibbli, il-provvista ta’ assistenza personali fl-Istati Membri.

1.9.

Li l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza fir-rigward tad-diżabilità jiġu inklużi fil-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tal-UE, b’mod speċifiku fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Ftehim Ekoloġiku Ġdid u l-Garanzija għat-Tfal u l-Green Paper li jmiss dwar it-Tixjiħ.

1.10.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaqblu dwar Garanzija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex il-PWD ikollhom opportunitajiet ta’ impjieg, apprendistat, kollokamenti f’impjieg u edukazzjoni ulterjuri.

1.11.

Li l-baġit tal-UE jappoġġja aħjar lill-PWD billi jinvesti fir-riċerka fl-iżvilupp ta’ teknoloġija ta’ assistenza ġdida, jiddedika fondi biex tiżdied l-aċċessibbiltà tal-programmi Erasmus+ biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-PWD, jiffinanzja t-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal dik ibbażata fil-familja u fil-komunità u għajxien indipendenti flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni b’saħħithom fil-livell tal-Istati Membri, u jinvesti b’mod strateġiku fondi tal-UE biex tiġi implimentata s-CRPD fl-Istati Membri, b’mod partikolari f’oqsma fejn l-UE ma għandhiex kompetenza sħiħa.

1.12.

Li l-Aġenda jkollha rwol fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-PWD fl-azzjoni esterna tal-UE.

1.13.

Li t-titjib tal-ġbir tad-data u tal-pubblikazzjonijiet dwar il-PWD fil-ħidma tal-Eurostat ikun ta’ importanza ċentrali għall-Aġenda.

1.14.

Li l-Aġenda tinkludi parametri referenzjarji ċari u tanġibbli u indikaturi li jistgħu jitkejlu, b’mod partikolari għan-nisa u l-bniet b’diżabilità, PWD żgħażagħ u ikbar fl-età, kif ukoll PWD refuġjati, migranti u LGBTI.

1.15.

Li l-KE tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, biex jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali dwar id-diżabilità tagħhom stess għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza fost il-persuni b’diżabilità u jindirizzaw l-implimentazzjoni tas-CRPD fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

1.16.

Li l-Aġenda tinkludi s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-PWD skont is-CRPD.

1.17.

Li meta jseħħ djalogu soċjali fil-livell nazzjonali u tal-UE u jiġu nnegozjati l-ftehimiet kollettivi mill-imsieħba soċjali, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-implimentazzjoni tas-CRPD jiġu kkunsidrati b’mod qawwi f’konsultazzjoni sħiħa u bl-involviment tal-OPDs.

1.18.

Li l-involviment sħiħ u attiv tal-OPDs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġi żgurat fl-abbozzar, fl-implimentazzjoni u fil-governanza tal-Aġenda.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Bħala strateġija li se titfassal u tiġi implimentata f’kuntest li fih l-UE u l-Istati Membri kollha jkunu ffirmaw u rratifikaw is-CRPD, il-KESE jissottolinja li l-Aġenda għandha sservi bħala mezz biex jiġi indirizzat il-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tas-CRPD.

2.2.

Għall-kuntrarju tal-Istrateġija dwar id-Diżabilità attwali, l-Aġenda 2020-2030 għandha tqis ukoll il-korrelazzjoni inseparabbli bejn l-obbligi taħt is-CRPD u l-impenn lejn l-SDGs u l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali. Għalhekk, il-proposta tal-KESE hija li l-Aġenda tissemma’ “L-Aġenda Ewropea għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2020-2030”.

2.3.

Fid-dawl tar-rieżami tal-UE mill-Kumitat dwar is-CRPD fl-2015, il-KESE jindika li l-Aġenda teħtieġ ukoll li titfassal madwar l-Osservazzjonijiet Konklużivi (COs – Concluding Observations) u r-rakkomandazzjonijiet.

2.4.

L-Aġenda l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq rieżami trasversali u komprensiv tal-leġislazzjoni u l-politika kollha tal-UE u tkun koerenti ma’ inizjattivi u strateġiji oħra tal-UE biex tkun żgurata armonizzazzjoni sħiħa mas-CRPD. Trid tirrifletti wkoll l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem għad-diżabilità u tintegra l-iżviluppi l-aktar riċenti fl-oqsma tad-drittijiet soċjali u diġitali.

2.5.

Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-vulnerabbiltà ta’ ċerti gruppi ta’ PWD, l-oqsma kollha tal-Aġenda għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal, il-PWD żgħażagħ u ikbar fl-età, ir-refuġjati u l-migranti b’diżabilità, PWD LGBTI, kif ukoll PWD mingħajr dar.

3.   Prinċipji tal-Aġenda Ewropea għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

3.1.

F’konformità mal-prinċipji ġenerali deskritti fl-Artikolu 3 tas-CRPD, il-KESE jemmen li l-Aġenda għandha tinkludi d-diżabilità fil-politika u l-leġislazzjoni kollha tal-UE li taffettwa l-ħajja ta’ PWD. Trid tħares il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, aċċessibbiltà, parteċipazzjoni u inklużjoni, opportunitajiet indaqs, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rispett għad-dinjità inerenti u l-awtonomija individwali, l-aċċettazzjoni tal-PWD bħala parti mid-diversità umana u l-umanità, u r-rikonoxximent tal-kapaċitajiet li qed jevolvu tal-PWD u għad-dritt tagħhom li jippreservaw l-identitajiet tagħhom.

4.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Aġenda Ewropea għal Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

4.1.   Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi (3)

4.1.1.

Nofs l-Ewropej kollha jikkunsidraw id-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità bħala mifruxa fl-UE, u r-rata qed tiżdied (4). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.1.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni għall-adozzjoni ta’ direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni (diżabilità) li tipproteġi lill-PWD minn diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja. Din għandha tirrikonoxxi ċ-ċaħda ta’ akkomodazzjoni raġonevoli f’kull qasam tal-ħajja bħala forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità, u tirrikonoxxi wkoll forom oħra ta’ diskriminazzjoni bħad-diskriminazzjoni permezz tal-assoċjazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali.

4.1.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jaċċelleraw l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) flimkien ma’ miżuri konkreti biex tiġi prevenuta, miġġielda u sanzjonata l-vjolenza sessista.

4.1.3.1.

Li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jiżguraw aċċessibbiltà fir-rwol tagħhom bħala impjegatur pubbliku, pereżempju billi jiżguraw siti web interni u esterni aċċessibbli, politiki u proċeduri dwar ir-riżorsi umani biex iżidu l-preżenza ta’ persunal b’diżabilità u l-inklużività tal-Iskejjel Ewropej.

4.1.3.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw miżuri biex jirrettifikaw in-nuqqas ta’ opportunitajiet indaqs għall-PWD permezz ta’ fondi tal-UE. Għandha tingħata aktar attenzjoni għal dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni multipla jew intersezzjonali fuq bażi ta’ nazzjonalità, età, razza jew oriġini etnika, sess, reliġjon jew twemmin, identità sesswali u orjentazzjoni sesswali.

4.1.3.3.

Li l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) attwali dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR 2014-2020) jiġi inkorporat fis-CPR 2021-2027 il-ġdid propost, li jirrifletti r-rakkomandazzjonijiet preċendenti tal-KESE, u li dan il-prinċipju jiġi inkorporat direttament fit-test ewlieni tar-regolament tal-FEŻR propost. L-aċċessibbiltà għall-PWD għandha tiġi inkluża wkoll bħala rekwiżit minn qabel biex il-programmi jibbenefikaw mill-Fondi tal-UE.

4.1.3.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza fir-rigward tad-diżabilità fil-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tal-UE, b’mod partikolari fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Ftehim Ekoloġiku l-Ġdid, il-Garanzija għat-Tfal u l-Green Paper li jmiss dwar it-Tixjiħ.

4.1.3.5.

Li l-KE tippromovi l-konformità tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar il-kapaċità legali mas-CRPD (6) u tiffaċilita skambju ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri.

4.2.   L-iżgurar ta’ parteċipazzjoni sħiħa u moviment liberu

4.2.1.

Il-PWD għadhom imwaqqfa milli jeżerċitaw id-dritt għal moviment liberu fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent armonizzat ta’ evalwazzjoni tad-diżabilità u l-inabilità li jittrasferixxu l-intitolament għal servizzi u allokazzjonijiet ta’ appoġġ meta jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor. Istituzzjonalizzazzjoni kontinwa, nuqqas ta’ investiment f’servizzi bbażati fil-komunità u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà ġenerali ta’ servizzi inklużivi, ifixklu wkoll il-parteċipazzjoni tal-PWD fis-soċjetà. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.2.2.

Li l-KE tipproponi direttiva li tarmonizza r-rikonoxximent ta’ evalwazzjoni tad-diżabilità għal persuni li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri. B’din id-direttiva, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jħarsu d-dritt tal-PWD għal-libertà tal-moviment billi jiżguraw il-portabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, jew permezz tal-provvista kontinwa tagħhom mill-Istat Membru tal-oriġini, il-provvista mill-Istat Membru ta’ residenza l-ġdid, jew bi tranżizzjoni gradwali bejn it-tnejn. Iridu jiġu żgurati drittijiet ekwivalenti u eliġibbiltà għal servizzi għal PWD li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri. Dan jeħtieġ li jsir b’mod koordinat li jiffaċilità t-trasferibbiltà bla xkiel u rapida ta’ dawn l-intitolamenti (7), inkluża l-assistenza personali.

4.2.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-fondi tal-UE qatt ma jintużaw biex titkompla l-istituzzjonalizzazzjoni tal-PWD (8) u jkunu investiti b’mod attiv f’servizzi bbażati fil-komunità u fil-familja. Huwa kruċjali li ż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fil-Korpi ta’ Solidarjetà tal-UE ma jiġux allokati kollokamenti f’ambjenti ta’ kura istituzzjonali li jipperpetwaw is-segregazzjoni. Għandu jsir ukoll investiment fit-taħriġ ta’ ħaddiema li attwalment qed jaħdmu f’istituzzjonijiet biex joffru kura bbażata fil-komunità u konformi mas-CRPD, prodott flimkien mal-PWD. Il-KE għandha xxerred ukoll is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħsara magħmula lill-PWD mill-istituzzjonijiet tal-kura biex tiġi inċentivata t-tranżizzjoni tal-Istati Membri lejn alternattivi bbażati fil-komunità.

4.2.2.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jipprijoritizzaw l-aċċess għall-kultura u d-divertiment permezz tal-użu tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari bil-promozzjoni u l-formalizzazzjoni tal-użu tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE mill-Istati Membri kollha, appoġġjata mill-finanzjament tal-UE.

4.2.2.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw il-provvista tal-lingwa tas-sinjali, il-Braille u test faċli biex jinqara, meta jkunu mitluba, fid-djalogi tagħhom maċ-ċittadini.

4.2.2.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu inizjattivi ta’ politika biex ineħħu l-ostakli kollha li jfixklu l-parteċipazzjoni politika tal-PWD u jċaħħduhom mid-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura tagħhom, b’mod partikolari għal persuni b’diżabilità intellettwali u kwistjonijiet ta’ saħħa mentali li jiffaċċjaw diskriminazzjoni partikolari. Il-KE trid tiżgura wkoll aċċessibbiltà sħiħa fil-proċess elettorali. Għal dan il-għan, il-KE għandha tippromovi li l-Istati Membri kollha jiżguraw parteċipazzjoni politika għaċ-ċittadini b’diżabilità fil-proċessi elettorali nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom.

4.2.2.5.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw li l-PWD kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha minquxa fit-trattati u l-leġislazzjoni tal-UE, jinkoraġġixxu miżuri mhux koerċittivi u t-teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġjat għall-PWD u jiżguraw il-libertà u s-sigurtà għall-PWD kollha.

4.2.2.6.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jippromovu l-involviment strutturali tal-PWD u l-OPDs (Organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità), inklużi dawk li jaħdmu għal tfal b’diżabilità, fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kollha, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, u jiffinanzjaw il-bini tal-kapaċitajiet tal-OPD. Il-KE u korpi oħra tal-UE għandhom jiżguraw ukoll li l-PWD jistgħu jipparteċipaw b’mod faċli f’konsultazzjonijiet pubbliċi.

4.3.   Il-kisba ta’ aċċess fl-ambjenti kollha

4.3.1.

Spazji pubbliċi, bini, trasport u teknoloġiji inaċċessibbli għadhom qed ikunu ta’ xkiel għal ħafna PWD biex dawn ikollhom rwol attiv fis-soċjetà, u jipperikolaw is-sigurtà tagħhom. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.3.1.1.

Li l-KE tieħu azzjonijiet konkreti biex toħloq Bord ta’ Aċċess Ewropew, simili għall-Bord ta’ Aċċess tal-Istati Uniti, sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni tal-UE dwar l-aċċessibbiltà, u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ standards u linji gwida dwar l-aċċessibbiltà, l-iskambju tal-aħjar prattiki u parteċipazzjoni sinifikanti ta’ OPDs rappreżentattivi fil-qasam tal-aċċessibbiltà.

4.3.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE stess iħabirku biex jiksbu l-ogħla standards tal-aċċessibbiltà fl-infrastruttura fiżika, is-servizzi u f’termini diġitali, u jiżguraw aċċessibbiltà sħiħa għall-PWD fis-siti web u l-formoli ta’ kuntatt kollha tal-amministrazzjonijiet tal-UE.

4.3.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jużaw strumenti leġislattivi u strumenti oħra, bħall-istandardizzazzjoni, biex jimlew il-lakuni li ħalla l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għall-armonizzazzjoni tal-istandards minimi tal-aċċessibbiltà għall-aspetti kollha tal-ambjent mibni (9), f’żoni urbani kif ukoll rurali u li ma jinjorawx dispożizzjonijiet għal persuni b’diżabilità intellettwali u/jew psikosoċjali.

4.3.2.2.

Li l-Kummissjoni Ewropea tirrevedi, testendi, u ssaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri tal-PWD, pereżempju billi tippubblika proposta leġislattiva ġdida dwar it-trasport multimodali, tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru għall-PWD, telimina, tarmonizza u tiddefinixxi fid-dettall il-każijiet ta’ “passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu” u ttejjeb regolamenti eżistenti oħra.

4.3.2.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu pożizzjoni soda fir-rigward tal-eliminazzjoni tal-perjodi ta’ qabel in-notifika meħtieġa għall-assistenza ferrovjarja fir-Regolament tal-UE l-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferrovija.

4.3.2.4.

Li l-KE tkompli ttejjeb l-aċċessibbiltà ferrovjarja għall-PWD (11) billi tiżgura li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-pjattaformi ferrovjarji kollha u jiffaċilitaw l-aċċess għall-vaguni tal-ferrovija, mhux biss fir-rigward ta’ kostruzzjonijiet ġodda, iżda anke fir-rigward tal-adattament tal-infrastruttura eżistenti.

4.3.2.5.

Li l-KE toffri gwida lill-Istati Membri dwar kif jimplimentaw id-Direttivi tal-UE dwar standards minimi komuni għal drittijiet proċedurali għal vittmi tal-kriminalità jew persuni ssuspettati jew akkużati b’reati, fir-rigward tad-diżabilità (12), inkluż taħriġ dwar id-drittijiet tal-PWD għal aġenti involuti fl-aċċess għall-ġustizzja. L-OPDs għandhom jiġu kkunsidrati bħala entitajiet li jikkollaboraw u għandu jkollhom status speċifiku li jilleġittimizzahom fil-qrati.

4.3.2.6.

Li l-KE tiżgura li l-provvista ta’ aċċessibbiltà tkun kriterju ta’ eliġibbiltà għall-aċċessar tal-fondi tal-UE (13).

4.3.2.7.

Li l-KE tinvesti fir-riċerka għall-iżvilupp ta’ teknoloġija ta’ assistenza ġdida u mezzi ġodda għall-PWD.

4.3.2.8.

Li l-aċċessibbiltà titqies li tmur id f’id mas-sostenibbiltà, eż. fil-kostruzzjoni u t-trasport, u bħala rekwiżit minn qabel biex tinkiseb Ewropa aktar ekoloġika għal kulħadd.

4.3.2.9.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tal-aċċessibbiltà ta’ ambjent mibni ġdid u eżistenti, b’mod speċjali l-akkomodazzjoni, u t-titjib tat-taħriġ dwar l-assistenza għall-aċċessibbiltà għall-persunal fin-netwerks kollha tat-trasport.

4.3.2.10.

Li l-Istati Membri jkunu appoġġjati mill-KE sabiex jiżguraw li l-PWD jingħataw aċċess għal mezzi, teknoloġiji u servizzi ta’ assistenza, u appoġġ biex ikunu jistgħu jaffordjawhom, irrispettivament mill-pajjiż tal-UE fejn dawn jiġu offruti.

4.3.2.11.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fl-għoti ta’ garanzija li l-akkwist pubbliku jiżgura aċċess għall-PWD bħala ċittadini, benefiċjarji u bħala uffiċjali pubbliċi.

4.3.2.12.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà tal-Web b’mod korrett u f’waqtu.

4.4.   Il-promozzjoni tal-impjieg ta’ kwalità u t-taħriġ vokazzjonali

4.4.1.

Ir-rata ta’ impjieg tal-PWD tibqa’ sproporzjonatament baxxa meta mqabbla ma’ dik ta’ persuni mingħajr diżabilità, li hija ta’ 48,1 % meta mqabbla ma’ 73,9 %. L-impjieg tan-nisa b’diżabilità hija konsiderevolment aktar baxxa (14). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.4.2.

Li l-KE tipproponi miżuri li jarmonizzaw rekwiżiti fl-UE dwar x’inhuma obbligati li joffru l-impjegaturi, u min-naħa tagħhom x’appoġġ iridu joffru l-gvernijiet lill-impjegaturi tagħhom, sabiex jipprovdu akkomodazzjonijiet raġonevoli għall-ħaddiema b’diżabilità (15).

4.4.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jsiru mudelli eżemplari f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg tal-PWD billi jżidu l-proporzjon ta’ impjegati b’diżabilità fl-istituzzjonijiet tagħhom u l-amministrazzjoni tal-UE.

4.4.3.1.

Li l-KE tistudja l-effikaċja tas-sistemi ta’ kwota li ħafna Stati Membri jużaw biex jippromovu l-impjieg tal-PWD, bil-għan li jiġu promossi l-aħjar prattiki u potenzjalment tiġi introdotta sistema bħal din għall-amministrazzjoni tal-UE.

4.4.3.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni biex jinvestu fondi tal-UE f’inizjattivi għat-taħriġ, l-impjieg u l-mobilità okkupazzjonali tal-PWD, inkluż appoġġ għal intraprenditorja soċjali u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, il-promozzjoni ta’ kull tip ta’ impjieg inklużiv f’konformità mal-Konvenzjoni, u b’fokus partikolari fuq iż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti u r-refuġjati u ħaddiema ikbar fl-età b’diżabilità (16). Għandha ssir enfasi fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-PWD biex tkun eżerċitata għażla fil-qasam tax-xogħol tagħhom u għandu jsir ukoll investiment fir-riabilitazzjoni vokazzjonali, iż-żamma tal-impjiegi, il-progress fil-karriera u l-politiki ta’ ritorn għall-impjieg, b’enfasi fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet għal professjonijiet emerġenti.

4.4.3.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaqblu dwar Garanzija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex il-PWD ikollhom opportunitajiet ta’ impjieg, apprendistat, kollokamenti f’impjieg u edukazzjoni ulterjuri. Inizjattiva dwar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità għandha twarrab riżorsi finanzjarji biex jiġi appoġġjat dan l-għan.

4.4.3.4.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw tiġi implimentata għalkollox, biex b’hekk il-ġenituri ta’ PWD ikunu jistgħu jaċċessaw biżżejjed liv u arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, u li l-KE tinsisti li l-PWD stess ikunu intitolati għal din l-istess flessibbiltà.

4.4.3.5.

Li s-Semestru Ewropew u l-leġislazzjoni jintużaw bħala għodod biex ikun żgurat li l-ħaddiema b’diżabilità jitħallsu paga xierqa/miftiehma fl-istess livell bħall-impjegati mingħajr diżabilità, u li din qatt ma tkun inqas mill-pagi minimi. Il-KESE għandu juża l-fondi tal-UE biex jeżamina mill-ġdid prattiki tajba u l-leġislazzjoni dwar l-impjieg rigward ir-riintegrazzjoni u r-riabilitazjoni tal-ħaddiema wara perjodi twal ta’ liv minħabba mard u li setgħu ġarrbu diżabilità.

4.4.3.6.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fit-tnaqqis tar-riskju involut fit-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol billi toffri sistemi ta’ benefiċċju u allokazzjoni għal persuni b’diżabilità aktar flessibbli biex ikun evitat it-telf ta’ xbieki ta’ sikurezza kontra l-faqar u biex jingħata inċentiv għall-impjieg.

4.4.3.7.

Li l-KE tinsisti li l-Istati Membri jassistu aħjar lill-impjegaturi fil-kisba ta’ informazzjoni dwar teknoloġija ta’ assistenza, u l-finanzjament għal din it-teknoloġija, biex jagħmlu l-postijiet tax-xogħol aktar aċċessibbli u s-sigħat tax-xogħol aktar flessibbli fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-individwu. B’mod partikolari, il-KE għandha tappoġġja r-riċerka biex tibni l-argument għall-vijabbiltà tal-postijiet tax-xogħol inklużivi għall-persuni b’diżabilità.

4.4.3.8.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju fl-iżgurar li d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (18) li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-impjieg tiġi implimentata b’mod sħiħ. Il-KE u l-Istati Membri għandhom jipproċedu wkoll bl-adozzjoni tal-abbozz ta’ direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-oġġetti u għas-servizzi, billi d-diskriminazzjoni f’dan il-qasam tista’ toħloq diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol.

4.4.3.9.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fl-integrazzjoni tal-politiki dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u d-diżabilità, sabiex id-diżabilità tiġi integrata fil-politiki dwar l-impjiegi tal-kumpaniji. Il-KE għandha tappoġġja wkoll lill-Istati Membri fil-promozzjoni tal-aspetti tad-diżabilità u tal-aċċessibbiltà fl-informazzjoni mhux finanzjarja provduta mill-kumpaniji.

4.4.3.10.

Li l-KE tappoġġja d-drittijiet tal-PWD fl-UE kollha sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdjunjins tagħhom fuq bażi ugwali ma’ oħrajn. Dan għandu jsir f’kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali. B’mod partikolari, il-proċess Ewropew tal-Karti dwar id-Diversità għandu jkollu fokus aktar b’saħħtu fuq il-promozzjoni ta’ forzi tax-xogħol diversi fir-rigward tal-kapaċitajiet.

4.4.3.11.

Li l-imsieħba soċjali, meta jidħlu fi djalogu soċjali fil-livell tal-UE u meta jikkonkludu ftehimiet kollettivi, jikkunsidraw l-implimentazzjoni tas-CRPD u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-impjegati b’diżabilità, f’konsultazzjoni mal-OPDs fil-livell tal-UE.

4.5.   Il-provvista ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja

4.5.1.

L-aċċess għall-edukazzjoni inklużiva għall-PWD jibqa’ diffiċli, u ħafna drabi jirriżulta f’ambjenti edukattivi segregati. Il-PWD fl-UE bħala medja għandhom 13 % aktar probabbiltà li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien mill-pari mhux b’diżabilità tagħhom u għandhom 14 % inqas probabbiltà li jaċċessaw l-edukazzjoni terzjarja (19). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.5.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvestu fondi tal-UE f’ambjenti ta’ tagħlim inklużiv, intervent għat-tfal żgħar, programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja u programmi ta’ taħriġ biex jgħinu fit-tranżizzjoni minn edukazzjoni għal impjieg għall-PWD. Il-mobilità tal-karriera għall-PWD għandha tkun iffaċilitata wkoll.

4.5.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu azzjoni speċifika biex jiżguraw l-inklużività għat-tfal u l-PWD żgħażagħ fis-sistema tal-Iskejjel Ewropej tagħhom stess għat-tfal tal-persunal tal-UE.

4.5.2.2.

Li l-KE tieħu azzjonijiet konkreti biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-PWD f’edukazzjoni għolja billi tipprovdi assistenza għal ħtiġijiet u spejjeż ta’ appoġġ waqt l-istudju jew it-taħriġ.

4.5.2.3.

Li l-KE tieħu miżuri biex iżżid l-aċċessibbiltà tal-programmi Erasmus+ u biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-PWD billi tipprovdi assistenza għal ħtiġijiet u spejjeż ta’ appoġġ waqt l-istudju jew it-taħriġ barra mill-pajjiż.

4.5.2.4.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju biex iħarrġu lill-persunal fi skejjel inklużivi u tappoġġja t-taħriġ tal-assistenti tal-klassi speċjalizzati fid-diżabilità biex irawmu l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità fi skejjel regolari. It-taħriġ għandu jiffoka wkoll fuq kif it-teknoloġija ta’ assistenza tista’ tintuża biex tintegra aħjar lill-istudenti b’diżabilità. Għandha tingħata wkoll l-istess attenzjoni għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol tajba fil-klassi u għat-tnaqqis tad-daqsijiet tal-klassijiet.

4.6.   Il-ġlieda kontra l-prekarjetà, il-faqar u l-esklużjoni soċjali

4.6.1.

Il-PWD fl-UE huma, bħala medja, 9 % aktar probabbli li jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-kontropartijiet tagħhom mingħajr diżabilità (20). Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.6.1.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-Aġenda l-ġdida tinkludi azzjonijiet speċifiċi biex tkun promossa sistema ta’ protezzjoni soċjali inklużiva u li l-KE tistabbilixxi linji gwida għall-Istati Membri fuq bażi ta’ protezzjoni soċjali għall-PWD u għal persuni li jindukraw li jiggarantixxu li jkollhom standard tal-għajxien adegwat (21). Il-KE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PWD, b’mod partikolari l-persuni li ġarrbu diżabilità matul il-karriera tagħhom u li għandhom perjodi ta’ kontribuzzjoni iqsar lejn l-assigurazzjoni għall-pensjoni, ikunu koperti minn arranġamenti tal-protezzjoni soċjali adegwati qabel u wara l-età tal-pensjoni.

4.6.1.2.

Li l-KE tipprovdi gwida dwar riformi rigward benefiċċji biex tiġi appoġġjata l-ispiża żejda ta’ mezzi relatati mad-diżabilità, teknoloġija ta’ assistenza, akkomodazzjoni, trasport eċċ. Il-KE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu aktar flessibbli, jippermettu lill-PWD jżommu l-allokazzjonijiet meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, jibbilanċjaw infiq sproporzjonat, inaqqsu r-riskju tal-faqar fost dawk li jaħdmu, u jagħtu inċentiv għall-impjieg.

4.6.1.3.

Li l-KE tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar il-proċeduri tal-evalwazzjoni tad-diżabilità biex ikun żgurat li ma jiġux injorati persuni b’kundizzjonijiet rari jew disturbi multipli. Il-KE għandha wkoll tiskoraġġixxi b’mod qawwi lill-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, milli jnaqqsu l-benefiċċji tad-diżabilità għaċ-ċittadini tagħhom u għaldaqstant iżidu r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-KE għandha titlob lill-Istati Membri jirrevedu l-ekwità tal-benefiċċji tad-diżabilità tagħhom matul il-ħajja sabiex jiżguraw li l-PWD li jilħqu età avvanzata u l-persuni ikbar fl-età li jġarrbu diżabilità ma jitilfux l-aċċess tagħhom għall-intitolamenti.

4.6.1.4.

Li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali tiġi adattata biex tintegra kejl relatat b’mod speċifiku mal-PWD sabiex jiġu kkomplementati r-rabtiet dejjem jikbru bejn is-Semestru Ewropew u l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali.

4.6.1.5.

Li l-KE tipprovdi lill-Istati Membri bl-appoġġ neċessarju fl-implimentazzjoni kif suppost tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sigurtà soċjali għal kuntratti tax-xogħol atipiċi, u l-iżgurar li l-ebda PWD, li tkun qed taħdem jew mod ieħor, ma tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha għal kopertura adegwata għall-kura tas-saħħa u intitolamenti oħra.

4.6.1.6.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fit-trawwim tal-aċċess għall-kura tas-saħħa għal PWD fuq bażi ugwali ma’ oħrajn (22).

4.6.2.

Li l-KE tiżgura li PWD impjegati preċedenti, attwali u futuri fl-amministrazzjoni tal-UE, jew membri tal-familja dipendenti affettwati minn diżabilità, jibbenefikaw minn assigurazzjoni tas-saħħa komprensiva li tista’ tipprovdihom bl-aħjar kura medika u kwalità tal-ħajja possibbli.

4.7.   Nagħmlu lill-UE mexxejja dinjija f’li ħadd ma jibqa’ lura lil hinn mill-fruntieri tagħha

4.7.1.

L-UE hija l-akbar donatur tal-iżvilupp fid-dinja. L-UE u l-Istati Membri għandhom, bħala Stati Partijiet għas-CRPD, jippromovu d-drittijiet tal-PWD fl-azzjoni esterna tagħhom. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ dan li ġej:

4.7.2.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-azzjonijiet kollha ffinanzjati mill-UE f’pajjiżi terzi jaderixxu għall-prinċipji ġenerali tas-CRPD, deskritti fil-punt 3.1.

4.7.2.1.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-UE juru prova tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-PWD fl-istess livell tal-Istati Membri tal-UE Il-KE għandha tiżgura wkoll li l-istrumenti finanzjarji għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni jintużaw biex tittejjeb is-sitwazzjoni tagħhom.

4.7.2.2.

Li l-KE żżid is-sensibilizzazzjoni tas-CRPD u l-ħtiġijiet tal-PWD, inkluża l-aċċessibbiltà, fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u ta’ emerġenza u s-sensibilizzazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ diżabilità fid-delegazzjonijiet tal-UE.

4.7.2.3.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li hemm segwitu ċar rigward il-Kunsens tal-UE għall-Iżvilupp u jappoġġaw l-inklużjoni tal-markaturi tad-diżabilità tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD fil-programmi, il-proġetti u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tal-UE madwar id-dinja.

4.7.2.4.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li d-drittijiet jiġu mħarsa u li jingħata appoġġ suffiċjenti u xieraq lill-PWD li jaslu fl-UE bħala persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil jew refuġjati, jew fl-offerta ta’ appoġġ għal persuni li jkunu ġarrbu diżabilità waqt li jkunu qed jaħarbu mill-pajjiż tagħhom.

4.7.2.5.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-kwistjonijiet ta’ diżabilità fi djalogi ma’ pajjiżi mhux membri. Il-KE għandha taħdem biex trawwem il-ftehim u l-impenn fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ diżabilità f’fora internazzjonali (in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD).

4.7.2.6.

Li l-KE tappoġġja lill-Istati Membri, fid-dawl tal-Brexit, fl-iżgurar li ċittadini mill-Unjoni Ewropea li attwalment jirrisjedu fir-Renju Unit, u viċi versa, ikomplu jirċievu l-assistenza li qed tiġi pprovduta attwalment mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

5.   Governanza, implimentazzjoni u monitoraġġ

5.1.

Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat dwar is-CRPD lill-UE, il-KESE jirrakkomanda b’mod qawwi li jiġu deżinjati DFPs f’kull istituzzjoni, aġenzija u korp tal-UE, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat tar-Reġjuni, eċċ., u f’aġenziji bħall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Id-DFPs għandhom jitqiegħdu wkoll fid-DĠs kollha tal-KE nnifisha. Ladarba kwistjonijiet tad-diżabilità huma ta’ natura trasversali, id-DFP ċentrali għandu jaqa’ taħt is-segretarju ġenerali tal-KE. Dan ikun meħtieġ biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tas-CRPD u l-Aġenda mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-KESE, li jmexxi bl-eżempju, għandu d-DFP tiegħu, u l-Grupp ta’ Studju dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità appoġġjat mis-segretarjat tas-SOC. Il-KESE iħeġġeġ ukoll dan li ġej:

5.2.

Li, billi se jkun hemm Kummissarju b’portafoll dwar l-ugwaljanza, jkun hemm DFP fi ħdan id-DĠ Ġustizzja biex jgħinha fir-rwol tagħha. Dan huwa ta’ importanza kbira.

5.3.

Li s-sistema attwali ta’ Grupp ta’ Livell Għoli dwar id-Diżabilità tiġi sostitwita minn “Kumitat għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità” li jservi bħala pjattaforma għal laqgħat regolari mid-DFP kollha pożizzjonati fid-direttorati, fl-istituzzjonijiet u fl-aġenziji differenti, kif ukoll fl-Istati Membri differenti. Dan il-Kumitat għandu jkollu d-dritt li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Aġenda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll li jagħti rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet nazzjonali u tal-KE.

5.4.

Li l-KE teżamina mill-ġdid il-kompetenzi kondiviżi tagħha mal-Istati Membri, li jirriżultaw mis-CRPD u d-dritt tal-UE, sabiex tistabbilixxi fejn l-UE tista’ taħdem flimkien mal-Istati Membri għal implimentazzjoni. Dan għandu jsir billi tiġi prodotta Dikjarazzjoni ta’ Kompetenzi.

5.5.

Li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu interistituzzjonali bejn il-KE, il-Parlament u l-Kunsill (23). Il-presidenti ta’ dawn it-tliet istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu qabel kull mandat biex juru impenn lejn id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma dwar id-diżabilità fi ħdan il-Kunsill biex jiġi ffaċilitat dan il-mekkaniżmu.

5.6.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu fl-Aġenda parametri referenzjarji ċari, tanġibbli u speċifiċi u indikaturi li jistgħu jitkejlu biex iżommu rekord tal-lakuni fl-implimentazzjoni u jkejlu b’mod effettiv il-progress li jkun sar.

5.7.

Li l-KE tiżgura l-ippjanar ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ effettiv matul il-konċepiment ta’ proposti u inizjattivi leġislattivi u li jiġu allokati riżorsi u baġits suffiċjenti għal dawn il-mekkaniżmi. L-Aġenda għandha tinkludi impenn ċar għall-finanzjament b’indikazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu allokati għal mekkaniżmi ta’ monitoraġġ.

5.8.

Li l-KE tipprovdi lill-Qafas tas-CRPD tal-UE riżorsi adegwati biex ikun żgurat il-funzjonament indipendenti u adegwat tagħha.

5.9.

Li l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu lill-OPDs u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod attiv u sħiħ fl-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-Aġenda (24). L-OPDs għandhom ikunu kkonsultati u involuti b’mod kontinwu fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ liġijiet, politiki u programmi li jinħolqu minn din l-Aġenda u għandu jkollhom aċċess għal riżorsi li se jappoġġjaw l-involviment sinifikanti tagħhom. Barra minn hekk, il-proċessi ta’ konsultazzjoni għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu mill-PWD u jkunu aċċessibbli għalihom b’mod sħiħ.

5.10.

Li l-KE tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Eurostat, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u r-rappreżentanti tal-OPDs, jiżviluppa sistema ta’ indikaturi bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem u sistema ta’ ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza bejn il-persuni b’diżabilità komprensiva u komparabbli dwar is-sitwazzjoni tal-PWD fl-UE u anke tippubblika analiżi dwar id-diżabilità aktar rilevanti u diżaggregata. Dan għandu jqis l-intersezzjonalità tal-kwistjonijiet u l-esperjenzi tal-PWD bħal dawk minħabba s-sess, l-età, l-istatus ta’ refuġjat, ta’ ażil jew ta’ migrant, jew l-isfond ta’ minoranza etnika, kif ukoll tipi differenti ta’ diżabilità u l-mod kif jaffettwaw il-benessri u r-riżultati (25). Jeħtieġ ukoll li tinġabar data dwar in-numru ta’ PWD li jgħixu f’istituzzjonijiet u ta’ tfal b’diżabilità li jgħixu barra minn unitajiet domestiċi.

5.11.

Li l-KE tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, permezz tas-Semestru Ewropew, biex jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali dwar id-diżabilità tagħhom stess, u jindirizzaw l-implimentazzjoni tas-CRPD fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

5.12.

Li l-KE biex tagħmel il-mezzi neċessarji, ir-riżorsi umani u l-appoġġ finanzjarju kollu disponibbli għall-Qafas ta’ Monitoraġġ tas-CRPD tal-UE, biex ikun żgurat li tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha skont l-Artikolu 33(2) tas-CRPD.

6.   Komunikazzjoni u disseminazzjoni (26)

6.1.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-ostakli li għadhom jiffaċċjaw l-PWD, biex jeqirdu l-isterjotipi u jaħdmu flimkien ma’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex ikun żgurat li din l-informazzjoni tilħaq lil dawk li jfasslu l-politika u partijiet ikkonċernati oħra fil-livelli kollha. Il-KE għandha tappoġġja l-ħidma tal-OPDs u l-NGOs fil-livell tal-UE attivi fil-qasam.

6.2.

Il-KE għandha tiżviluppa kampanji u attivitajiet ta’ taħriġ biex tqajjem sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-PWD, li għandhom ikunu mmirati lejn il-pubbliku ġenerali, dawk li jfasslu l-politika u d-deċiżjonijiet, il-persunal ta’ entitajiet pubbliċi u privati, il-PWD u l-familji tagħhom, eċċ. L-Istati Membri għandhom ikunu inkoraġġiti mill-KE biex jimplimentaw kampanji simili.

6.3.

Il-KE u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għas-sottolinjar tad-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali ffaċċjata minn ċerti gruppi ta’ PWD, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u l-bniet, persuni LGBTI u minoranzi etniċi.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CRPD lill-UE fl-2015.

(2)  F’konformità mal-Artikolu 1 tas-CRPD, PWD jinkludi dawk il-persuni li għandhom diżabilità fiżika, mentali, intellettwali jew sensjorjali fit-tul li, f’interazzjoni ma’ diversi ostakli, tista’ xxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq l-istess livell ma’ ħaddieħor.

(3)  L-Artikoli 1, 21 u 26 tal-Karta tal-UE u l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Ewrobarometru Speċjali 437. Disponibbli fuq: https://data.europa.eu/euodp/data/dataset/S2077_83_4_437_ENG

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-kumment ġenerali tal-Kumitat dwar is-CRPD Nru 1 (2014) dwar ir-rikonoxximent ugwali quddiem il-liġi.

(7)  Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CRPD, l-Artikolu 18.

(8)  CRPD, l-Artikolu 19 u l-Kumment Ġenerali 5.

(9)  CRPD, l-Artikoli 9 u 20.

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

(11)  Matul ir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 110).

(12)  CRPD l-Artikolu 13.

(13)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83.

(14)  https://www.disability-europe.net/theme/employment

(15)  CRPD l-Artikoli 5 u 27.

(16)  CRPD l-Artikolu 27.

(17)  Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(19)  ANED abbażi ta’ Eurostat 2016, persuni b’diżabilità u mingħajr diżabilità (età: 30-34 sena), differenza f’punti perċentwali.

(20)  EU SILC 2016.

(21)  CRPD l-Artikolu 28.

(22)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CPRD, paragrafu 63.

(23)  Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-CRPD lill-UE fl-2015.

(24)  Kumment Ġenerali tas-CRPD.

(25)  CRPD l-Artikolu 31.

(26)  CRPD l-Artikolu 8.


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-populiżmu u d-drittijiet fundamentali — iż-żoni suburbani u rurali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 97/07)

Relatur:

Karolina DRESZER-SMALEC

Korelatur:

Jukka AHTELA

Data tad-deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

27.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

145/3/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-partiti populisti għamlu kisbiet sinifikanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Il-populiżmu jwassal biex tiddgħajjef l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet politiċi, kif ukoll għal aktar frammentazzjoni u polarizzazzjoni tal-komunitajiet, u għal ambjent dejjem aktar riskjuż għad-deċiżjonijiet ta’ investiment min-naħat tan-negozji.

1.2.

Il-kawżi wara s-suċċess tal-movimenti u l-partiti populisti huma diversi. B’mod ġenerali ħafna, proċessi ta’ globalizzazzjoni li jaffettwaw it-tipi kollha ta’ pajjiżi żviluppati qed jixprunaw din is-sitwazzjoni. B’mod aktar speċifiku, il-populiżmu jista’ jiġi spjegat kemm fid-dawl ta’ fatturi kulturali u ta’ identità kif ukoll ta’ żviluppi soċjoekonomiċi. Fl-aħħar nett, it-theddida populista hija partikolarment evidenti fil-“postijiet insinifikanti” (1), irrispettivament minn jekk humiex fil-periferija jew fiċ-ċentru nett tal-Unjoni Ewropea.

1.3.

Jeħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-biżgħat, l-ansjetà u r-rabja li jwasslu lin-nies biex jidentifikaw ruħhom mal-partiti populisti u, min-naħa l-oħra, dawk l-intraprendituri politiċi li deliberatament jippruvaw jibdlu dawn il-biżgħat fi profitti politiċi. L-iskuntentizza taċ-ċittadini, li ħafna drabi jkollha raġunijiet razzjonali, jeħtieġ li titqies bis-serjetà. Din hija differenti mir-retorika tal-mexxejja populisti li jippruvaw jieħdu vantaġġ minn dik l-iskuntentizza.

1.4.

Il-ġeografija tal-iskuntentizza tikkombina flimkien il-qasma kontinentali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u dik bejn il-Lvant u l-Punent madwar l-UE mal-firda nazzjonali bejn iċ-ċentru u l-periferija fi ħdan kull Stat Membru individwali. L-iskuntentizza għandha l-għeruq f’diversi forom ta’ tbatija, skont il-post. Il-kontrostrateġiji għandhom iqisu dawn il-kumplessitajiet jekk jixtiequ li jirnexxu. Il-KESE jemmen li l-bini ta’ alleanzi bejn l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u atturi oħra, pereżempju. mexxejja lokali u movimenti soċjali, huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-populiżmu.

1.5.

Aktar ma n-nies ma jigwadanjawx mis-suċċess tal-pilastri tat-tkabbir ta’ pajjiżhom, aktar ikunu evidenti l-attitudnijiet negattivi tagħhom fil-konfront tal-hekk imsejħa “elites” li jiggvernaw, is-sistemi tal-partiti u l-istili ta’ ħajja postmoderni. Attivisti tas-soċjetà ċivili huma ta’ spiss ikklassifikati bħala parti minn dawn il-gruppi, u għalhekk dan iwassal biex jissaħħu l-attitudnijiet negattivi lejhom.

1.6.

Għas-soċjetà ċivili, is-sitwazzjoni ssir partikolarment gravi fejn il-populisti kisbu l-poter u huma kapaċi li jinfluwenzaw b’mod ċar l-aġendi tal-gvern, u jimxu lejn l-awtoritarjaniżmu. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mhedda bil-bosta mhux biss bit-tnaqqis fl-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom, iżda wkoll minħabba theddid personali u persekuzzjoni.

1.7.

Il-KESE jqis li l-edukazzjoni ċivika dwar il-prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt għandha tissaħħaħ biex tindirizza dawn l-iżviluppi. Huwa jinnota r-rakkomandazzjoni magħmula fl-Opinjoni dwar “It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt” (2) biex l-Istati Membri jintegraw dawn is-suġġetti fil-kurrikuli tal-iskola u l-edukazzjoni għolja, u biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komunikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, kif ukoll ir-rwol tal-midja indipendenti.

1.8.

Meta wieħed jikkunsidra x-xewqa tal-popolazzjoni għal viżjonijiet politiċi ambizzjużi u effettivi, il-KESE huwa konvint li l-Unjoni Ewropea għandha tipproponi narrattivi dwar il-futur mixtieq u terġa’ tqajjem il-prinċipji ewlenin li kellhom rwol ewlieni fil-proġett Ewropew, bħalma huma s-sħubija u s-sussidjarjetà.

1.9.

Il-KESE jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “l-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti” (2018/2720(RSP) (3) li “tippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, il-benesseri soċjali, il-protezzjoni tan-natura u l-kooperazzjoni u l-interkonnessjoni ma’ żoni urbani sabiex titrawwem il-koeżjoni u jiġi evitat ir-riskju ta’ frammentazzjoni territorjali”. Għalhekk, il-Kumitat jingħaqad mal-Parlament fil-promozzjoni tal-ħolqien ta’ Patt dwar Irħula Intelliġenti li jinvolvi l-livelli kollha ta’ gvern f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.10.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (4) għall-“istabbiliment ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni tad-Demokrazija li (…) tirrifletti l-kundizzjonijiet qafas għall-attività tas-soċjetà ċivili u twassal għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal riforma.”

1.11.

L-awtoritajiet għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem (5) għall-politiki — b’mod partikolari politiki ta’ riforma ekonomika bbażati fuq valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem (6). Dan għandu jkun prerekwiżit għal dibattiti nazzjonali infurmati u inklussivi u l-aġġustament tal-għażliet politiċi kif ukoll l-implimentazzjoni bla xkiel tar-riformi.

1.12.

Il-KESE jitlob aktar enfasi fuq l-attivitajiet ekonomiċi l-ġodda li qed jitfaċċaw fiż-żoni rurali, li ħafna minnhom huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ mutwaliżmu u kura. Huwa jinkoraġġixxi miżuri mmirati li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-appoġġ u l-konnessjoni aħjar ta’ inizjattivi bħal dawn, sabiex nimxu lil hinn minn fażijiet iżolati u sperimentali lejn alleanzi politiċi u soċjali emanċipatorji.

1.13.

Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-infrastruttura fil-livell sottonazzjonali. Is-sospensjoni tal-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku, flimkien mal-għeluq tal-iskejjel u s-servizzi tas-saħħa, kienu b’mod ċar fost ir-raġunijiet li wasslu għall-protesta populista fl-Ewropa.

1.14.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom itejbu l-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej, nazzjonali u lokali u jfornuhom b’riżorsi biex jgħinuhom itejbu l-ambitu u l-kwalità tal-azzjoni tagħhom. Huma għandhom rwol importanti fir-rikonoxximent u r-rispons għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet. Dawn jiġu milquta partikolarment ħażin meta l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija jiddeterjoraw.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-partiti populisti għamlu kisbiet sinifikanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Il-KESE huwa mħasseb serjament minn dan l-iżvilupp u jitlob inizjattivi ewlenin biex jindirizzah, billi jinbdew sforzi biex ikunu mifhuma aħjar il-kawżi sottostanti tiegħu.

2.2.

Il-KESE jikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jintlaqtu partikolarment ħażin meta l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-demokrazija jiddeterjoraw. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħalissa qed jesperjenzaw tnaqqis fl-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom f’ħafna pajjiżi. Iż-żieda ulterjuri fil-popoliżmu x’aktarx ukoll tfisser inqas stabbiltà ekonomika kif ukoll governanza u politiki aktar ineffiċjenti, li jwasslu għal effett negattiv fuq l-investimenti.

2.3.

Il-KESE diġà esprima tħassib serju dwar “id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem, it-tendenza populista u awtoritarja li qed tinfirex, u […] mir-riskju li dan iġib miegħu għall-kwalità tad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali” (7). Huwa talab lill-istituzzjonijiet Ewropej biex “jieħdu approċċ proattiv u preventiv fl-attivitajiet politiċi tagħhom, sabiex jiġu antiċipati u evitati l-problemi.”

2.4.

Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (8) il-KESE enfasizza li jqis li s-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni “fil-preservazzjoni tad-demokrazija liberali fl-Ewropa” u li “soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa biss tista’ tiddefendi d-demokrazija u l-libertà u tippreserva Ewropa mit-tentazzjonijiet tal-awtoritarjaniżmu.”

2.5.

Diversi dimensjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jinftiehem għalkollox il-fenomenu tal-populiżmu. Xi osservaturi jirrikorru primarjament għall-fatturi kulturali biex jidentifikaw is-sors tal-populiżmu. Filwaqt li ma jittraskurawx l-importanza ta’ dawn il-fatturi, oħrajn jargumentaw li l-kawża primarja taż-żieda fil-popoliżmu hija soċjoekonomika, u għandha l-għeruq tagħha fil-kumplessitajiet tal-proċess tal-globalizzazzjoni.

2.6.

Ħafna mit-tħassib fil-qalba tal-iskuntentizza tan-nies huwa razzjonali u jitlob soluzzjonijiet politiċi. Dan it-tħassib leġittimu għandu jiġi distint mit-tentattivi ta’ xi intraprendituri politiċi biex jieħdu vantaġġ mill-iskuntentizza u jużawh għal gwadann elettorali permezz ta’ proposti demagoġiċi iżda mhux raġonevoli.

2.7.

Il-fatturi l-aktar importanti li jispjegaw kif jiġi milqugħ il-populiżmu jinkludu: l-età (ta’ importanza għolja), il-livell ta’ edukazzjoni (ta’ importanza baxxa), il-ġid relattiv (ta’ importanza baxxa), il-qgħad (ta’ importanza għolja) u t-tip ta’ impjieg (atipiku, għal żmien fiss). Il-prevalenza ta’ dawn il-fatturi soċjoekonomiċi hija ogħla fiż-żoni rurali u barra l-bliet il-kbar.

2.8.

Il-vot ta’ Brexit fir-Renju Unit, il-moviment tas-Sdieri Sofor fi Franza u s-suċċess tal-AFD fil-Lvant tal-Ġermanja, tal-Lega fl-Italja, u tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja fil-Polonja jvarjaw f’ħafna aspetti. Madankollu, dak li għandhom komuni bejniethom dawn l-iżviluppi kollha huwa li jirriflettu t-tnaqqis drastiku tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet, fil-politiċi u fil-midja.

2.9.

Inqas ma n-nies jirnexxielhom jibbenefikaw mis-suċċess tal-pilastri tat-tkabbir tal-pajjiż rispettiv tagħhom, aktar ikunu evidenti l-attitudnijiet negattivi tagħhom fil-konfront tal-hekk imsejħa “elites” li jiggvernaw, is-sistemi tal-partiti u l-istili ta’ ħajja postmoderni. Attivisti tas-soċjetà ċivili huma ta’ spiss ikklassifikati bħala parti minn dawn il-gruppi, u għalhekk dan iwassal biex jissaħħu l-attitudnijiet negattivi lejhom u dan għandu implikazzjonijiet sostanzjali fuq l-operat tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.   Fatturi ġenerali kif ukoll marbuta mal-post li jikkostitwixxu l-populiżmu

3.1.

Iż-żieda fil-populiżmu tista’ tiġi spjegata permezz ta’ żewġ perspettivi ewlenin. L-ewwel perspettiva tenfasizza l-fatturi kulturali bħat-tiswir tal-identità u l-bidliet fil-perċezzjonijiet bħala riżultat ta’ xejriet fl-iżvilupp matul l-aħħar żewġ jew tliet deċennji. Il-perspettiva l-oħra tenfasizza l-importanza ta’ fatturi soċjoekonomiċi bħala l-kawżi ewlenin li jispjegaw is-suċċess tal-populiżmu. Filwaqt li dawn iż-żewġ spjegazzjonijiet huma rilevanti, jidher biċ-ċar li l-fatturi ekonomiċi u politiċi huma aktar importanti meta wieħed iqis ir-rwol tal-ispazju u t-territorju (9).

3.2.

Il-populiżmu huwa espressjoni waħda speċifika ta’ dak li qiegħed jissejjaħħ bidla fl-era, bidla fl-epoka, jew pawża epokali. Il-pajjiżi kollha huma affettwati mill-implikazzjonijiet ta’ din il-bidla, fi gradi differenti, irrispettivament mir-reġjun involut. Id-dimensjonijiet ewlenin kollha tal-ordni soċjali għandhom tendenza li jkunu soġġetti għal dik il-bidla — l-istat daqs is-suq jew il-komunità, tal-aħħar tirrappreżenta s-soċjetà ċivili.

3.3.

Immexxi minn proċessi ta’ komodifikazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali u politiċi, il-populiżmu għandu t-tendenza li l-ewwel jikseb il-popolarità fid-dimensjoni tal-komunità. Komunitajiet imsejsa fuq l-għażla, bħal assoċjazzjonijiet ta’ interess, movimenti soċjali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn, kulma jmur qed isiru dejjem iżjed soġġetti għal diżorganizzazzjoni. Huma jitħabtu biex jissopravivu u biex iżommu l-membri tagħhom. Komunitajiet miġbura mid-destin, bħall-familji, il-ġirien, u gruppi lokali, ukoll isofru minn frammentazzjoni, telf ta’ solidarjetà, aljenazzjoni, u xoljiment.

3.4.

F’dinja dejjem aktar kumplessa, frammentazzjoni soċjoloġika u politika bħal din għandha t-tendenza li tikkawża insigurtà, ansjetà, u t-tfittxija għal tweġibiet mhux ambigwi. Ħafna drabi, il-komunitajiet tradizzjonali ma jibqgħux kapaċi jipprovdu tweġibiet bħal dawn. Irrispettivament mill-età u l-klassi soċjali, ħafna nies ifittxu modi ġodda ta’ appartenenza u għal identitajiet sikuri. Intraprendituri politiċi populisti speċjalizzaw fi tweġibiet sempliċi bħal dawn, li ħafna drabi huma relatati ma’ viżjoni li tħares lura lejn passat glorjuż li jkun jeħtieġ li jerġa’ jinbena.

3.5.

Ladarba jiġu tradotti fi programmi politiċi li huma attraenti, tweġibiet sempliċi bħal dawn jikkontribwixxu għar-realtajiet tal-politika u tal-istat — dawn tal-aħħar huma sistemi li huma stess jiġu affettwati mill-frammentazzjoni tas-sistemi tal-partiti u minn tnaqqis fil-fiduċja fil-governanza.

3.6.

Il-kawżi ġenerali li jispjegaw il-populiżmu jissaħħu aktar bil-frammentazzjoni territorjali li taffettwa ż-żoni rurali u suburbani. Il-popolazzjonijiet tagħhom iħossuhom maqtugħin mill-iżvilupp ekonomiku u mill-infrastrutturi pubbliċi fl-oqsma tat-trasport, is-saħħa, il-kura għall-anzjani, l-edukazzjoni u s-sigurtà. Dan jissarraf fi prevalenza għolja ta’ antielitiżmu u ta’ preġudizzji kontra dak li huwa kkunsidrat bħala mod ta’ ħajja kożmopolitan.

4.   Il-globalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika

4.1.

Il-globalizzazzjoni ġġenerat opportunitajiet u theddidiet, u dawn tal-aħħar huma ta’ piż akbar fuq iż-żoni suburbani u rurali. Dan ħoloq diżinvestiment f’dawn iż-żoni u sensazzjoni ġustifikata ta’ nuqqas ta’ sigurtà meta ffaċċjati mir-riskji ta’ delokalizzazzjoni tal-infrastrutturi u l-impjiegi tal-industrija, flimkien ma’ rifjut ta’ politiki tat-tassazzjoni mhux ġusti li huma meqjusa ġeneralment bħala mhux ekwi biżżejjed. Ftehimiet kummerċjali speċifiċi, bħal dak reċenti mal-Mercosur, ukoll qajmu tħassib f’xi Stati Membri peress li huma meqjusa li qed jipperikolaw l-għajxien tal-bdiewa Ewropej u l-mudell Ewropew ta’ familja tal-biedja.

4.2.

Din l-“ekonomija politika tal-populizmu” hija analizzata f’rapport imħejji għall-Grupp tad-Diversità tal-KESE (10), li jissuġġerixxi li livelli ogħla ta’ introjtu disponibbli, tar-rata ta’ impjieg, tan-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali, u tal-PDG huma kollha assoċjati ma’ sehem iżgħar ta’ voti populisti fil-livell reġjonali. Tnaqqis fl-introjtu disponibbli huwa assoċjat ma’ żieda fl-appoġġ għall-partiti populisti.

4.3.

Minkejja l-iżviluppi pożittivi ġenerali fil-qasam tal-impjiegi fl-Ewropa, il-qgħad, l-impjiegi atipiċi, u l-marġinalizzazzjoni soċjali u ekonomika huma partikolarment akuti fost il-popolazzjoni żagħżugħa f’ħafna Stati Membri. Dawk li għandhom bejn l-20 u t-30 sena jistgħu jkunu l-ewwel ġenerazzjoni mit-twelid tal-UE li jistgħu jkunu f’sitwazzjoni agħar minn dawk ta’ qabilhom. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li 44 % tal-ħaddiema fl-Ewropa ta’ bejn id-19 u l-24 sena għandhom biss kuntratt temporanju, meta mqabbel mal-14 % tal-popolazzjoni kollha kemm hi.

4.4.

Iż-żoni rurali, suburbani u periferali huma ġeneralment aktar suxxettibbli għall-influwenza tal-populiżmu, li jipproponi mudell li jqajjem dubji dwar il-fatturi li fuqhom kien ibbażat it-tkabbir ekonomiku reċenti: swieq miftuħa, migrazzjoni, integrazzjoni ekonomika u globalizzazzjoni (11).

4.5.

Fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku strutturalment baxx, l-istati Ewropej ġeneralment għandhom it-tendenza li jkollhom inqas dħul u aktar infiq. Il-pressjoni fuq l-infiq ġejja minn fatturi multipli inklużi t-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-piż tad-dejn, u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tas-sigurtà pubblika. Fl-istess ħin, il-pressjoni fuq id-dħul ġejja minn fatturi bħall-għażliet politiċi u ekonomiċi, il-politiki ta’ awsterità u l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa. Riżultat ta’ dan, l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi tillimita lill-istati fir-rwoli tagħhom bħala dawk li jwettqu d-dmirijiet fil-qasam tal-politiki ridistributtivi, li huma ċentrali għat-twettiq tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi. Investituri pubbliċi u privati qed jitbiegħdu min-nisġa industrijali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u suburbani, u dan iwassal għas-sensazzjoni ta’ marġinalizzazzjoni u abbandun minn strutturi statali u servizzi pubbliċi minn xi setturi tal-popolazzjoni.

4.6.

Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jikkunsidraw l-inklussività, l-aċċess għad-drittijiet, u l-preservazzjoni tal-istrutturi ekonomiċi u industrijali u l-provvista tal-impjiegi bħala kriterji ewlenin għall-politiki ekonomiċi, ta’ koeżjoni u territorjali.

5.   Ir-rwol tal-migrazzjoni

5.1.

Bħall-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni hija fenomenu li jaffettwa l-pajjiżi kollha, dawk żviluppati u anke dawk inqas żviluppati. Mhux probabbli li ma tibqax teżisti u se tikber maż-żmien. Il-pressjoni dejjem tiżdied imposta minn movimenti populisti tagħmilha aktar ikkumplikata, iżda mhux inqas obbligatorja, għall-Istati Membri li jiftiehmu dwar politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil li hija tant meħtieġa u li tkun ġusta, li tagħder u li tkun responsabbli, u li tkun konformi mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

5.2.

Ir-retorika populista mhijiex diretta b’mod razzjonali lejn l-aspetti regolatorji tal-politiki tal-migrazzjoni. Minflok, hija toħloq stigma b’mod dirett fuq il-migranti, li tqishom bħala kriminali, terroristi jew invażuri, u b’hekk toħloq klima li tħeġġeġ attakki diretti kontrihom.

5.3.

Fir-rigward tal-migrazzjoni, id-diviżjonijiet l-aktar importanti f’termini ġeografiċi huma relatati mad-differenzi fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-swieq tax-xogħol. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-swieq tax-xogħol jistgħu jkunu relattivament miftuħa għall-immigranti f’xi pajjiżi iżda magħluqa u esklużjonarji f’oħrajn. Bil-wasla ta’ numru ikbar ta’ migranti, ir-reazzjonijiet ta’ dawk il-partijiet tal-popolazzjoni lokali li huma emarġinati, jew li huma anzjużi li jistgħu jsiru emarġinati, huma differenti skont it-tipi ta’ ekonomiji politiċi.

5.4.

F’xi pajjiżi, u f’żoni speċifiċi ta’ dawk il-pajjiżi, hemm il-biża’ li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali se jitgħabbew iżżejjed waqt li, f’oħrajn, il-migranti huma perċepiti bħala kompetituri fis-suq tax-xogħol. Suġġettivament, il-migranti jistgħu jirrappreżentaw sfida fir-rigward ta’ impjieg stabbli jew li jirċievu benefiċċji soċjali. Biża’ ta’ dan it-tip jista’ jkun partikolarment evidenti fost nies li jgħixu f’żoni rurali u suburbani.

5.5.

Dan iwassal għal għadd kbir ta’ kawżi potenzjali għat-tkabbir ta’ movimenti populisti li l-gvernijiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jikkunsidraw meta jfasslu kontrostrateġiji xierqa ta’ natura politika u/jew ekonomika. Daqstant ieħor importanti huwa l-fatt li, f’partijiet tal-UE, sentimenti ta’ deterjorament soċjali u ta’ marġinalizzazzjoni ekonomika ma jirriżultawx minn migrazzjoni lejn, iżda pjuttost, minn migrazzjoni ’l barra minnhom. B’mod speċjali f’partijiet tal-Ewropa tal-Lvant, it-tluq ta’ professjonisti bi kwalifiki għoljin laħaq livelli drammatiċi li ħarbtu l-istruttura soċjoekonomika ta’ dawn il-pajjiżi.

5.6.

Il-KESE jiċħad l-idea li hemm kompetizzjoni għar-riżorsi pubbliċi bejn il-migranti u l-popolazzjonijiet lokali. Huwa jappella lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iżidu l-attivitajiet tagħhom maħsuba biex jindirizzaw il-biża’ u l-ansjetà preżenti fost ċerti sezzjonijiet tal-popolazzjoni. Huwa jitlob ukoll il-ħolqien ta’ programmi edukattivi u soċjali li jindirizzaw il-firxa ta’ motivi li jixprunaw il-populiżmu, speċjalment f’żoni remoti tal-UE. Għandu jkun hemm aktar appoġġ lill-pjattaformi u n-netwerks nazzjonali u Ewropej tas-soċjetà ċivili sabiex tinkiseb analiżi aktar dettaljata tal-fenomenu u tiġi mħeġġa d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni affidabbli u attivitajiet edukattivi mmirati lejn fehim aħjar tiegħu.

6.   Il-ġeografija tal-iskuntentizza

6.1.

Il-partiti populisti kisbu suċċess akbar mill-medja f’żoni tal-periferija rurali u postindustrijali tal-UE (12). Dan huwa l-każ fir-rigward tal-vot ta’ Brexit fir-Renju Unit, kif ukoll fl-Awstrija fejn il-kandidat tal-FPÖ kiseb 62 % tal-vot rurali matul l-elezzjonijiet presidenzjali f’Mejju 2018.

6.2.

Il-ġeografija tal-iskuntentizza tikkombina flimkien il-qasma kontinentali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u dik bejn il-Lvant u l-Punent madwar l-UE mal-firda nazzjonali bejn iċ-ċentru u l-periferija fi ħdan kull Stat Membru individwali. Il-populiżmu kiber matul is-snin minħabba din il-frammentazzjoni multipla tas-soċjetajiet u t-territorji. L-infrastrutturi u l-politiki tat-trasport huma għalhekk ta’ importanza partikolari peress li jiżguraw kontinwità territorjali u huma prekundizzjoni materjali għall-aċċess pubbliku għad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali.

6.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali jqisu l-politiki tat-trasport, l-infrastruttura u l-konnettività tal-Internet bħala mezz ta’ kif jiġi indirizzat il-populiżmu. L-awtoritajiet għandhom isawru dawn il-politiki kif ukoll politiki ta’ koeżjoni, soċjali u ta’ tnaqqis tal-faqar permezz ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem (13). Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-politiki, b’mod partikolari l-politiki ta’ riforma ekonomika, huma bbażati fuq valutazzjonijiet sistematiċi ex ante u ex post tad-drittijiet tal-bniedem (14), sabiex jiffaċilitaw dibattiti nazzjonali infurmati u inklużivi dwar l-arbitraġġ u l-aġġustament tal-għażliet politiċi.

6.4.

Waħda mill-konsegwenzi tal-frammentazzjoni soċjali, ekonomika u territorjali hija li de facto qed tiżdied iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot ta’ parti kbira mill-popolazzjoni fiż-żoni suburbani u rurali. Din tieħu l-forma ta’ astensjoniżmu għoli, iċ-ċaħda tad-demokrazija rappreżentattiva u tal-korpi intermedjarji inklużi l-partiti politiċi u t-trejdjunjins, u l-appoġġ għall-movimenti radikali populisti. Il-KESE jqis li l-edukazzjoni ċivika dwar il-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, għandha tissaħħaħ, sabiex tindirizza dawn l-iżviluppi. Huwa jinnota r-rakkomandazzjoni magħmula fl-Opinjoni dwar “It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt” (15) biex l-Istati Membri jintegraw dawn is-suġġetti fil-kurrikuli tal-iskola u l-edukazzjoni għolja, u biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi strateġija ambizzjuża ta’ komunikazzjoni, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija.

6.5.

Preċiżament minħabba l-politiki li jinterċettaw ta’ identità, ta’ appartenenza, ta’ rikonoxximent u ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, għandu jitqies il-fatt li r-reliġjon, id-dinamika tal-ġeneri, il-post u l-identità kulturali huma importanti, bħalma huma l-interessi tal-klassijiet u l-inugwaljanza. Il-mobilizzazzjoni ta’ alternattivi għall-mod kif jiġu konvinti daqstant faċilment minn forzi politiċi rigressivi mhijiex ovvja. Huma meħtieġa kampanji u narrattivi ġodda. Mod wieħed partikolarment importanti biex dan jintlaħaq huwa li jkunu kkunsidrati l-ħafna attivitajiet ekonomiċi ġodda li qed jitfaċċaw fiż-żoni rurali, ibbażati fuq il-prinċipji ta’ komunità, mutwaliżmu u kura. Il-kompitu huwa, għalhekk, li dawn jingħaqdu, u nimxu lil hinn minn fażijiet iżolati u sperimentali, u ngħaqqduhom ma’ xulxin u ma’ alleanzi politiċi emanċipatorji.

7.   Kif is-soċjetà ċivili barra l-bliet il-kbar hija affettwata mill-populiżmu

7.1.

Is-soċjetà ċivili hija affettwata ħafna miż-żieda fil-movimenti u l-partiti populisti madwar l-Ewropa u f’livelli territorjali differenti. Billi l-ispazji politiċi f’ħafna partijiet tal-Ewropa huma dejjem aktar affettwati mill-propaganda awtoritarja, minn attitudnijiet ksenofobiċi u razzisti, u mill-vjolenza faxxista, il-movimenti soċjali, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju kollha qed ikunu ikkonċernati direttament.

7.2.

Għas-soċjetà ċivili, is-sitwazzjoni saret partikolarment gravi fejn il-populisti kisbu l-poter u huma kapaċi li jinfluwenzaw l-aġendi tal-gvern. Meta l-partiti populisti jokkupaw pożizzjonijiet ewlenin fil-Parlament u fl-eżekuttiv, huma għandhom tendenza li jimbuttaw lis-soċjetajiet li xi darba kienu liberali fid-direzzjoni ta’ reġimi awtoritarji. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mhedda bil-bosta mit-tnaqqis tal-ispazji disponibbli għall-attivitajiet tagħhom. Fl-istess waqt, ċerti NGOs foloz li jinħolqu minn fuq u li ta’ spiss jagħmluha li tabilħaqq huma radikalment demokratiċi, ikomplu jikkumplikaw aktar il-ħidma ħielsa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili eżistenti.

7.3.

Il-kwistjoni dwar sa fejn is-soċjetà ċivili hija affettwata mill-populiżmu fiż-żoni rurali u suburbani hija kumplessa. Attivisti rurali spiss ma jkollhomx ir-riżorsi kritiċi biex jibnu t-tipi ta’ koalizzjoni li huma aktar komuni fiż-żoni metropolitani. Dan japplika wkoll għal koalizzjonijiet, pereżempju ma’ movimenti tal-konsumatur u attivisti dwar l-ikel ibbażati fil-bliet, li ħafna drabi huma aktar avvanzati fil-politika dwar l-ikel sostenibbli. In-nuqqas ta’ movimenti soċjali b’saħħithom u partiti politiċi li jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tal-abitanti fiż-żoni rurali jispjega, parzjalment, is-suċċess elettorali tal-partiti populisti tal-lemin fl-Ewropa rurali.

8.   Opportunitajiet biex jiġi miġġieled il-populiżmu

8.1.

Żewġ settijiet ta’ politiki huma rrakkomandati bħala għodod għall-ġlieda kontra l-populiżmu. L-ewwel wieħed huwa relatat mat-theddida populista b’mod ġenerali u ma’ strumenti potenzjali li għandhom jintużaw mill-Unjoni Ewropea. It-tieni sett ta’ rakkomandazzjonijiet jirreferi b’mod aktar dirett għal reġjuni speċifiċi, u għal żoni rurali u suburbani.

8.2.

Diversi strateġiji jistgħu jkunu xierqa biex jindirizzaw l-għeruq tal-populiżmu. L-ewwel waħda tikkonċerna l-mod kif il-politiċi u l-istituzzjonijiet javviċinaw u jimpenjaw ruħhom ma’ dawk li effettivament qed ibatu minn tbatija soċjoekonomika. Il-kumplessitajiet soċjali, ekonomiċi u politiċi huma tali li l-ebda istituzzjoni waħedha, inkluża l-UE, ma tista’ ssib tweġibiet faċli u mhux ambigwi li jnaqqsu din il-kumplessità billi jerġgħu lura għal status quo preċedenti soċjoekonomiku idealizzat. Filwaqt li jiffokaw fuq l-indirizzar tal-kawżi fl-għeruq tal-populiżmu, il-politiċi u l-istituzzjonijiet għandhom iħottu r-retorika li tiddikjara li tipproponi tweġibiet immedjati u infallibbli għal problemi kumplessi.

8.3.

It-tieni minn fost dawn l-istrateġiji tirrelata direttament mal-immaġni u d-destin tal-Unjoni Ewropea. Fost il-ħafna frustrazzjonijiet li jinħassu minn dawk li huma aktar riċettivi għall-propaganda populista nsibu n-nuqqas ta’ proġetti politiċi tassew mixtieqa li jipproponu tama kredibbli għal futur aħjar u azzjoni mmirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ kuljum. Il-populisti użaw din il-frustrazzjoni biex jissuġġerixxu viżjoni li tħares lura li għandha l-għeruq tagħha f’passat li jidher glorjuż. Biex tissopravivi, l-Unjoni Ewropea m’għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tqajjem mill-ġdid ix-xewqa popolari għall-proġett Ewropew.

8.4.

Il-mit tat-twaqqif tal-UE waħedha m’għadhiex biżżejjed biex tappella lin-nies tal-Ewropa. L-UE għandha tipproponi narrattivi dwar futur mixtieq u terġa’ tqajjem il-prinċipji ewlenin li kellhom rwol ewlieni fil-proġett Ewropew, bħas-sħubija u s-sussidjarjetà.

8.5.

Il-KESE jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jagħtu ħajja ġdida lill-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-sħubija. Kif issemma fir-Rakkomandazzjoni tal-Grupp Diversity Europe dwar “Regaining Citizens’ Trust and Confidence in the EU” (16) (Nerġgħu niksbu l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-UE), il-KESE jikkunsidra li għandhom isiru sforzi biex l-prinċipju tas-sussidjarjetà ikun iċċarat liċ-ċittadini u jkun spjegat li l-UE tirrispetta kemm id-diversità kulturali kif ukoll it-tradizzjonijiet lokali. Is-sussidjarjetà funzjonali tkun tikkonsisti f’involviment akbar min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fl-ippjanar reġjonali kif ukoll fil-politiki reġjonali tal-UE, daqs kemm ukoll fid-difiża tad-demokrazija, il-ġustizzja, u t-trattament ugwali tal-abitanti kollha fiż-żoni rurali u periferali. Is-sussidjarjetà territorjali tagħti aktar setgħa lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jassumu responsabbiltà konġunta fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki strutturali.

8.6.

Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ għodda implimentata fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea, jiġifieri l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD). L-atturi lokali u ċ-ċittadini b’hekk ikollhom l-opportunità li jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward ta’ problemi li jikkonċernawhom direttament u li b’hekk jikkontribwixxu sostanzjalment biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

8.7.

Is-sħubija hija essenzjali, kemm fir-rigward tal-komunikazzjoni kif ukoll għas-solidarjetà u l-għajnuna reċiproka fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn pajjiżi differenti. Is-sħubija hija daqstant importanti meta niġu għall-bini ta’ alleanzi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-gruppi tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali.

8.8.

L-UE u l-Istati Membri għandhom itejbu r-reazzjonijiet tagħhom għall-ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt li jirriżultaw minn azzjoni minn movimenti populisti, inklużi dawk fil-poter. Il-KESE jinnota r-rakkomandazzjoni tiegħu fl-Opinjoni dwar “Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa” (17) għall-“istabbiliment ta’ Tabella ta’ Valutazzjoni tad-Demokrazija li (…) tirrifletti l-kundizzjonijiet qafas għall-attività tas-soċjetà ċivili u twassal għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal riforma”, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni dwar “Aktar tisħiħ tal-istat tad-dritt” (18).

8.9.

Il-KESE jirrakkomanda li l-kunsiderazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni jiġu integrati f’din it-Tabella ta’ Valutazzjoni tad-Demokrazija u f’mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-istat tad-dritt fil-futur. Komunikazzjoni bir-reqqa għandha tagħmilha ċara li r-rispons tal-UE u tal-Istati Membri għandha l-għan li tindirizza l-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt minn ċerti politiki populisti, aktar milli tkun immirata lejn nies li vvutaw għal partiti populisti, u li t-tħassib leġittimu tagħhom għandu jitwieġeb permezz ta’ politiki ġusti, mhux diskriminatorji u effettivi.

9.   Appoġġ ta’ rispons mill-għeruq għall-populiżmu

9.1.

Il-problema li s-soċjetà ċivili qed tiffaċċja fiż-żoni rurali mhijiex neċessarjament waħda ta’ “spazji li qed jiċkienu”. Il-problema hija li l-ispazji għad iridu jinħolqu. Reazzjoni għaż-żieda fil-popoliżmu għandha tindirizza kemm jista’ jkun il-kawżi tal-iskuntentizza mill-għeruq u għandha tiġi kemm jista’ jkun minnhom. Il-KESE jħeġġeġ azzjoni li toħloq sens ta’ interessi u objettivi komuni fost gruppi varji ta’ produtturi tal-ikel u konsumaturi, bejn il-klassijiet, il-ġeneri, il-ġenerazzjonijiet u l-firdiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Is-sovranità tal-ikel u d-diversi kwistjonijiet madwar id-dritt għall-ikel u għal ambjent b’saħħtu huma eżempji ta’ sfidi speċifiċi li jkunu indirizzati aħjar permezz tat-tisħiħ tas-solidarjetà, l-identità kollettiva u l-parteċipazzjoni politika fl-Ewropa rurali.

9.2.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni mtejba miċ-ċittadini, l-Istati Membri li jikkunsidraw it-tisħiħ tad-demokrazija diretta permezz ta’ referenda lokali għandhom ikunu konxji mill-fatt li din hija eżattament l-għodda li bħalissa qed tiġi promossa mill-partiti populisti fl-Ewropa kollha. Id-demokrazija diretta tista’ tkun xafra li taqta’ miż-żewġ naħat. L-awtoritajiet lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiggarantixxu li l-użu tagħha tkun limitata għal sitwazzjonijiet fejn tista’ tkun mistennija li twassal għal benefiċċji reali.

9.3.

Il-KESE jemmen li l-bini ta’ alleanzi bejn l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u atturi oħra, pereżempju. mexxejja lokali u movimenti soċjali, huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-kawżi mill-għeruq tal-populiżmu. Dan se jifforma parti mill-isforzi biex jiġi indirizzat is-sentiment min-naħa tal-abitanti rurali u suburbani li qed jitħallew jaqgħu lura. Dan se jsaħħaħ ukoll ir-rwol tal-imsieħba soċjali li jistgħu jgħinu jnaqqsu d-disparitajiet u jattiraw investiment u żvilupp ekonomiku permezz tad-djalogu u l-azzjoni tagħhom.

9.4.

L-interessi u t-tħassib ta’ assoċjazzjonijiet ta’ negozji żgħar, ħaddiema tas-sengħa u bdiewa huma daqstant importanti. Fejn il-gruppi awtoritarji jkunu kisbu s-setgħa fil-gvern (lokali), l-atturi ekonomiċi jistgħu jżommu lura milli jinvestu. Barra minn hekk, migranti li jkunu qed ifittxu impjieg jistgħu jevitaw postijiet bħal dawn, għalkemm ikun hemm opportunitajiet ta’ xogħol. Għalhekk, huwa importanti li jitkisser dan iċ-ċirku vizzjuż fir-reġjuni suburbani u rurali.

9.5.

L-inkoraġġiment tal-investiment privat u pubbliku fil-potenzjal mhux sfruttat tar-reġjuni li jitqiesu li tħallew jaqgħu lura huwa approċċ li jistħoqqlu li jkun żviluppat aktar. L-enfasi fuq it-trasferimenti jew is-sigurtà soċjali għandha tkun ikkomplementata bit-tisħiħ tal-opportunitajiet tar-reġjuni (filwaqt li jitqies il-kuntest lokali), billi jiġu indirizzati l-ineffiċjenzi u l-ostakli istituzzjonali u permezz ta’ miżuri biex tingħata spinta lit-taħriġ, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-assimilazzjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni (19).

9.6.

Sabiex jiġu indirizzati l-kawżi mill-għeruq tal-populiżmu, fatturi bħar-reliġjon, id-dinamika tal-ġeneru, il-post tar-residenza, l-identità kulturali u l-edukazzjoni jeħtieġ li jiġu kkunsidrati aħjar flimkien ma’ fatturi soċjoekonomiċi. Il-mobilizzazzjoni ta’ alternattivi għat-tweġibiet faċli tal-forzi politiċi rigressivi mhijiex faċli. It-tweġibiet iridu jiġu aġġustati għat-taħlita speċifika li fiha t-tbatija tidher f’ċerti sitwazzjonijiet lokali.

9.7.

Narrattivi ġodda jistgħu jgħinu wkoll fil-ġlieda kontra t-tip ta’ diżinformazzjoni ingranata minn kampanji tal-midja soċjali li għandhom l-għan li jdgħajfu l-valuri Ewropej u b’hekk jappoġġjaw l-emerġenza ta’ stqarrijiet u attitudnijiet separatisti u nazzjonalisti. Huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-midja tradizzjonali (televiżjoni pubblika, gazzetti indipendenti) sabiex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom fl-għoti ta’ informazzjoni imparzjali. Għalkemm il-Kummissjoni diġà kienet attiva f’dak ir-rigward (ara COM(2018) 236), sens akbar ta’ urġenza huwa rrakkomandat ħafna.

9.8.

Il-KESE jitlob biex issir aktar enfasi fuq l-attivitajiet ekonomiċi ġodda li qed jitfaċċaw fiż-żoni rurali, li ħafna minnhom huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ mutwaliżmu u kura. Huwa jinkoraġġixxi azzjoni mmirata lejn appoġġ u konnessjoni aħjar ta’ inizjattivi bħal dawn, li tmur lil hinn minn fażijiet iżolati u sperimentali lejn alleanzi politiċi u soċjali emanċipatorji.

9.9.

Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-infrastruttura fil-livell sottonazzjonali. Is-sospensjoni tal-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku, flimkien mal-għeluq tal-iskejjel u s-servizzi tas-saħħa, kienu, b’mod ċar, fost ir-raġunijiet għall-protesta populista fl-Ewropa. Hija meħtieġa assistenza finanzjarja sabiex ittejjeb l-infrastrutturi lokali, kemm materjali (trasport u servizzi pubbliċi) kif ukoll dawk mhux materjali (netwerks madwar it-tipi ta’ lokalitajiet, istituzzjonijiet, u organizzazzjonijiet).

9.10.

Il-KESE, l-organizzazzjonijiet membri tiegħu, u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom itejbu l-bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u jarmawhom b’riżorsi biex itejbu l-ambitu u l-kwalità tal-azzjoni tagħhom. Għandu jingħata aktar appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lin-netwerks Ewropej tagħhom biex iħarrġu lill-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Andrés Rodriguez-Pose 2018, The revenge of places that don't matter (and what to do about it), p. 32 (LSE Research online): http://eprints.lse.ac.uk/85888/1/Rodriguez-Pose_Revenge%20of%20Places.pdf (Il-vendetta ta’ postijiet insinifikanti (u x’jista’ jsir dwarha)) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2018 dwar l-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni rurali, muntanjużi u remoti (ĠU C 11, 13.1.2020, p. 15).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228 5.7.2019, p. 24).

(5)  OHCHR, Principles and Guidelines for a Human Rights Approach to Poverty Reduction Strategies (Prinċipji u Linji Gwida għal Approċċ tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tnaqqis tal-faqar — mhux disponibbli bil-Malti), https://www.ohchr.org/Documents/Publications/PovertyStrategiesen.pdf

(6)  OHCHR, Guiding Principles on human rights impact assessments on economic reforms, (Prinċipji gwida għall-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għall-politiki tar-riforma ekonomika — mhux disponibbli bil-Malti) tad-19 ta’ Diċembru 2018, https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G18/443/52/PDF/G1844352.pdf

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8).

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228, 5.7.2019, p. 24).

(9)  Societies outside Metropolises: the role of civil society organisations in facing populism, KESE, Brussell 2019 (Soċjetajiet barra l-Metropoli: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata biex jiġi ffaċċjat il-populiżmu): https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/qe-04-19-236-en-n.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Societies outside Metropolises: the role of civil society organisations in facing populism; (Soċjetajiet barra l-Metropoli: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata biex jiġi ffaċċjat il-populiżmu), KESE, Brussell 2019: https://www.eesc.europa.eu/sites/default/files/files/qe-04-19-236-en-n.pdf (mhux disponibbi bil-Malti).

(11)  Andrés Rodriguez-Pose, The revenge of places that don't matter (and what to do about it), p. 32 (LSE Research online): http://eprints.lse.ac.uk/85888/1/Rodriguez-Pose_Revenge%20of%20Places.pdf (Il-vendetta ta’ postijiet insinifikanti (u x’jista’ jsir dwarha)) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Kummentarju ta' Caroline de Gruyter datat il-21 ta' Ottubru 2016: The revenge of the countryside (Il-vendetta tal-kampanja) (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  OHCHR, Principles and Guidelines for a Human Rights Approach to Poverty Reduction Strategies (Prinċipji u Linji Gwida għal Approċċ tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tnaqqis tal-faqar — mhux disponibbli bil-Malti), https://www.ohchr.org/Documents/Publications/PovertyStrategiesen.pdf

(14)  OHCHR, Guiding Principles on human rights impact assessments on economic reforms, (Prinċipji gwida għall-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għall-politiki tar-riforma ekonomika — mhux disponibbli bil-Malti) tad-19 ta’ Diċembru 2018, https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G18/443/52/PDF/G1844352.pdf

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(16)  Regaining Citizens' Trust and Confidence in the EU: 7 priorities of the Diversity Europe Group; Diversity Europe Group (Nerġgħu niksbu l-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-UE: is-seba’ prijoritajiet tal-Grupp Diversità Ewropa,; il-Grupp Diversità Ewropa) (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  Opinjoni tal-KESE dwar Demokrazija reżiljenti permezz ta’ soċjetà ċivili b’saħħitha u diversa (ĠU C 228 5.7.2019, p. 24).

(18)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu (ĠU C 282, 20.8.2019, p. 39).

(19)  Andrés Rodriguez-Pose, The revenge of places that don't matter (and what to do about it) (Il-vendetta ta’ postijiet insinifikanti (u x’jista’ jsir dwarha) — mhux disponibbli bil-Malti), p. 32 (LSE Research online): http://eprints.lse.ac.uk/85888/1/Rodriguez-Pose_Revenge%20of%20Places.pdf


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-548 sessjoni plenarja tal-KESE, 11.12.2019–12.12.2019

24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2018 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni”

(COM(2019) 339 final)

(2020/C 97/08)

Relatur:

Gerardo LARGHI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 15.10.2019

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

19.11.2019

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

197/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li fih ġie żviluppat approċċ li għandu l-għan li jsaħħaħ is-suq uniku, l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet tal-politika soċjali.

1.2.

Il-KESE jemmen, kif enfasizzat f’diversi dokumenti, li politika tal-kompetizzjoni effettiva u li tirrispetta l-prinċipji hija wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea u għodda essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern kif mifhum fil-qafas tat-Trattat dwar il-Funjonament l-Unjoni Ewropea skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), għall-bini ta’ ekonomija soċjali tas-suq u għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet tal-Pilastru Soċjali (1).

1.3.

Il-KESE u l-Unjoni Ewropea jridu jibqgħu fi djalogu kontinwu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn, mas-soċjetà ċivili u, b’mod partikolari, mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi dwar din il-kwistjoni.

1.4.

Għal din ir-raġuni, il-KESE jappella li l-għoti tal-għajnuna jkun dejjem akkumpanjat minn trasparenza kbira fir-rigward ta’ kif l-ispejjeż se jaffettwaw lill-konsumaturi u li dawn jiġu infurmati b’mod ċar dwar tali spejjeż fil-fatturi (2). Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu miżuri kontra restrizzjonijiet vertikali u orizzontali fir-rigward tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fid-dinja tal-kummerċ elettroniku, fejn jinħassu l-effetti tal-imġiba antikompetittiva.

1.5.

L-intelliġenza artifiċjali (IA) għandha tingħata attenzjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-prattiki ta’ diskriminazzjoni. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tiġi adattata biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kkawżata mit-tfassil ta’ profili tal-konsumatur bl-għajnuna tal-IA.

1.6.

Il-big data tista’ tintuża kontra l-konsumaturi, b’mod partikolari għad-detriment tal-benessri tagħhom, minħabba l-fatt li t-tfassil ta’ profili jnaqqsilhom il-libertà tal-għażla.

1.7.

Il-KESE jappella li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkollhom l-għarfien espert, il-ħiliet u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-leġislazzjoni speċifika u jsolvu dawk il-problemi serji ta’ kompetizzjoni li huma ta’ ħsara għall-konsumaturi.

1.8.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proċess tal-immodernizzar tal-kontrolli ppermetta lill-awtoritajiet jiffokaw l-attenzjoni fuq l-aktar każijiet importanti u rilevanti, anki bl-għajnuna tal-pjattaforma tal-IT “Transparency Award Module”.

1.9.

Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki ambjentali u dawk dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari jieħu nota tar-reviżjoni li għaddejja tal-linji gwida dwar il-ħarsien tal-ambjent u dwar l-enerġija.

1.10.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom l-għan li jiżguraw kompetizzjoni ħielsa fis-suq Ewropew tal-enerġija permezz ta’ offerti teknoloġikament newtrali, essenzjali għall-ħolqien ta’ teknoloġiji differenti għall-enerġija rinnovabbli, għal suq Ewropew tal-enerġija reżiljenti u kompetittiv li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġija komprensiva u fit-tul minflok approċċ ibbażat fuq miżuri korrettivi għal żmien qasir li ma jippermettix it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi b’mod aktar konkret u sostenibbli. F’dan il-kuntest ikun utli li l-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv tal-pjani differenti għal appoġġ tal-industrija tal-manifattura li ġew adottati reċentement fl-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Korea (3).

1.11.

Fir-rigward tal-kompetizzjoni ma’ kumpaniji li mhumiex fl-UE, il-KESE jappella li jiġu garantiti l-istess regoli soċjali u ambjentali sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

1.12.

Il-KESE jenfasizza l-importanza, għall-finijiet tal-ħolqien ta’ suq soċjali ħieles, ta’ politika tal-kompetizzjoni li tibbilanċja l-iżvilupp tal-għanijiet soċjali u ekonomiċi tal-ħaddiema u tal-konsumaturi u ż-żamma ta’ struttura ta’ produzzjoni kompetittiva u effettiva.

1.13.

Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet tas-suq intern dwar id-drittijiet tal-moviment ħieles (b’mod partikolari tal-persuni, iżda wkoll tas-servizzi, tal-merkanzija u tal-kapital) huma l-pedamenti fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u li l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-moviment liberu tas-servizzi għandhom jiġu ggarantiti biex tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ dumping soċjali.

1.14.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa sorpriż li f’dan ir-Rapport tħalliet barra referenza għall-impass apparenti fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-PE dwar l-azzjonijiet kollettivi, fid-dawl tal-proposta dwar il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, meta jitqies li hija essenzjali sabiex tiġi kkompletata s-sistema ta’ kumpens effettiv għad-danni kkawżati lill-konsumaturi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-antitrust.

2.   Sommarju tar-rapport tal-2018 dwar il-politika tal-kompetizzjoni

2.1.

Ir-rapport tal-2018 jindirizza suġġetti bħall-ekonomija diġitali, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija u l-ambjent, l-agrikoltura u l-ikel, it-trasport u l-manifattura u kwistjonijiet bħall-applikazzjoni deċentralizzata tal-poteri tal-antitrust fl-Istati Membri u kooperazzjoni internazzjonali estensiva.

2.2.

Il-prattiki ta’ infurzar ta’ kuljum tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin: nondiskriminazzjoni, ġustizzja, trasparenza, prevedibbiltà, id-dritt li wieħed jinstema’ u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. Il-“ħarsien tal-benesseri tal-konsumaturi” huwa espliċitament għan tal-interventi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-KE.

2.3.

L-era diġitali tippreżenta sfidi ġodda fid-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-użu ta’ Big Data, tal-algoritmi u tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA).

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida aġġornata għall-kumpaniji dwar is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra waqt proċeduri tal-antitrust bl-għan li “tissimplifika l-proċeduri f’każijiet ta’ kompetizzjoni”. L-użu ta’ ċrieki ta’ kunfidenzjalità wkoll ibbenefika mill-gwida aġġornata.

2.5.

L-ippremjar tal-kooperazzjoni tal-kumpaniji fil-proċedimenti antitrust wera li kien effettiv biex jgħin lill-Kummissjoni żżid ir-rilevanza u l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha billi ħaffet l-investigazzjonijiet.

2.6.

Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“id-Direttiva NEK+”) tippermetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jimplimentaw b’mod aktar effettiv ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

2.7.

Il-modernizzazzjoni tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat għamlitha aktar faċli għall-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jippromovu l-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, ippermettiet l-implimentazzjoni rapida ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri u kellha impatt sinifikanti fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż għal dawk il-miżuri tal-Istat li jikkawżaw l-inqas distorsjoni.

2.8.

Il-proċedura ta’ saldu tal-KE ppermettiet li l-kartelli jiġu identifikati aktar malajr, u b’hekk ġew illiberati riżorsi għal investigazzjonijiet oħrajn u naqset l-ispiża tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kumpaniji bbenefikaw minn deċiżjonijiet aktar rapidi.

2.9.

Ir-Rapport tal-2018 jenfasizza d-deċiżjonijiet meħuda fl-2018 (u fis-snin ta’ qabel) b’rabta mal-kartelli fis-settur tal-karozzi u t-tnedija ta’ investigazzjoni fil-fond dwar il-kollużjoni possibbli bejn il-manifatturi tal-karozzi fir-rigward tal-iżvilupp teknoloġiku tas-sistemi ta’ purifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-karozzi.

2.10.   L-ekonomija diġitali

2.10.1.

Il-politika tal-kompetizzjoni hija parti integrali tal-ħolqien ta’ suq uniku diġitali li jaħdem. F’dan is-sens il-“ġganti tan-netwerk” m’għandhomx jitħallew jużaw il-poter tas-suq tagħhom biex idgħajfu l-kompetizzjoni u b’hekk idgħajfu l-innovazzjoni fis-swieq diġitali.

2.10.2.

Iż-żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fuq pjattaformi tal-kummerċ elettroniku hija waħda mir-restrizzjonijiet l-aktar mifruxa fl-ekonomija diġitali. Għal dan il-għan hemm użu akbar tal-algoritmi ta’ ffissar tal-prezz.

2.11.

L-għajnuna mill-Istat fl-ekonomija ekoloġika tappoġġja l-investimenti meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista filwaqt li tiddekarbonizza s-sistema Ewropea tal-enerġija.

2.12.   Is-settur tal-enerġija

2.12.1.

L-awtorizzazzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija fl-2018 fis-settur tal-enerġija rinnovabbli wasslu lill-Istati Membri sabiex jippromovu l-enerġija sostenibbli u jnaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi tas-sistema tal-elettriku fl-intier tagħha.

2.12.2.

Il-Kummissjoni argumentat li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jgħinu biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista mingħajr ma jiżdiedu l-prezzijiet għall-konsumaturi jew ikun hemm tfixkil tal-flussi ta’ elettriku lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

2.12.3.

L-UE jeħtiġilha żżid is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tagħha fir-rigward tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass u tiżgura li jkollha leġislazzjoni tal-enerġija tal-UE u nazzjonali mmirata.

2.13.   Il-kompetizzjoni fis-suq uniku

2.13.1.

Il-KE pprojbixxiet l-akkwist ta’ Alstom propost minn Siemens. Hija approvat il-fużjoni fis-settur agroalimentari bejn Bayer u Monsanto, iżda bil-kundizzjoni ta’ ċerti ċessjonijiet ta’ negozju. Għas-suq tal-azzar ġie approvat l-akkwist ta’ ILVA minn Arcelor Mittal, bil-kundizzjoni ta’ ċerti ċessjonijiet. L-akkwist ippjanat ta’ Alstom minn Siemens ġie mblukkat minħabba li kien ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

2.14.   Is-settur finanzjarju

2.14.1.

L-istabbilizzazzjoni ġenerali tas-settur naqqset l-interventi tal-baġit pubbliku f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat f’dan is-settur. Madankollu, f’xi Stati Membri s-self improduttiv għadu ma nqeridx.

2.15.   L-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa

2.15.1.

Jeħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji biex jikkompetu skont il-merti. L-Istati Membri ma jistgħux joffru vantaġġi fiskali lill-kumpaniji multinazzjonali għad-detrimenti tal-SMEs.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Ir-Rapport tal-2018 jiżviluppa approċċ li għandu l-għan li jsaħħaħ is-suq uniku, l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet ta’ politika soċjali.

3.2.

L-ekonomija diġitali se teħtieġ investiment qawwi — madwar EUR 500 biljun — matul l-għaxar snin li ġejjin biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita politika ta’ kompetizzjoni serja, speċjalment fiż-żoni rurali u inqas urbanizzati.

3.3.

L-era diġitali tippreżenta sfidi ġodda fid-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-użu tal-Big Data, tal-algoritmi u tal-intelliġenza artifiċjali (IA). Għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-“ġganti tat-teknoloġija” ma jużawx il-poter tagħhom fis-suq biex idgħajfu l-kompetizzjoni fil-konfront tagħhom. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandu jkollhom l-għarfien espert, il-ħiliet u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-leġislazzjoni speċifika u jsolvu dawk il-problemi serji ta’ kompetizzjoni li huma ta’ ħsara għall-konsumaturi qabel ma jkun tard wisq.

3.4.

L-implimentazzjoni għandha tkun ibbażata wkoll fuq l-użu proattiv ta’ għodod għall-ġbir ta’ informazzjoni u inkjesti settorjali.

3.5.

Jeħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe dewmien fl-applikazzjoni tar-regoli permezz tal-użu proattiv tas-sett ta’ għodod tal-kompetizzjoni (pereżempju, miżuri provviżorji) f’każijiet ta’ ħsara ċara għall-kompetizzjoni u l-konsumaturi.

3.6.

Huwa essenzjali li l-evidenza inkriminanti tiġi trasferita lill-kumpaniji li jagħmlu fużjoni fis-swieq diġitali sabiex ikunu jistgħu jagħtu prova li l-ftehimiet mhux se jfixklu l-kompetizzjoni.

3.7.

Jeħtieġ li jiġi vvalutat, b’mod aktar rigoruż, jekk l-operaturi jistgħux jimblukkaw id-dħul fis-suq u b’hekk jillimitaw l-għażla tal-konsumatur u l-flussi tal-informazzjoni u jimmanipulaw l-imġiba tal-utenti.

3.8.

Sabiex tinġibed l-attenzjoni għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li tqajjem minn ċerti prattiki, huwa importanti li l-kumpaniji jingħataw gwida u għajnuna biex jaġixxu fil-limiti tal-leġislazzjoni.

3.9.

Attwalment, l-IA għandha impatt fuq il-politiki tal-ipprezzar jew fuq is-sorveljanza tagħhom b’konsegwenzi li mhumiex mingħajr riskju. L-algoritmi jippermettu lill-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku li jikkontrollaw u jillimitaw il-libertà tal-bejjiegħa bl-imnut fil-politiki tal-ipprezzar tagħhom kif ukoll fil-kompetizzjoni ma’ bejjiegħa bl-imnut kbar (bi prattiki inġusti li ma jistgħux jinżammu fil-futur).

3.10.

L-istess fenomenu laqat lis-settur tat-turiżmu, fejn il-pjattaformi għall-bejgħ ta’ prodotti turistiċi huma karatterizzati mill-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Hemm erba’ netwerks ewlenin tal-bejgħ, li għandhom poter enormi fuq il-lukandi, l-operaturi ż-żgħar u l-SMEs.

3.11.

L-IA għandha tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-prattiki ta’ diskriminazzjoni. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tiġi adattata biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kkawżata mit-tfassil ta’ profili bl-għajnuna tal-IA.

3.12.

Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis li tikkunsidra lill-kumpaniji li jużaw algoritmi l-uniċi responsabbli tal-azzjonijiet li jiddependu minnhom. Il-big data tista’ tintuża kontra l-konsumaturi, b’mod partikolari għad-detriment tal-benessri tagħhom, minħabba l-fatt li t-tfassil estrem ta’ profili jnaqqsilhom l-għażla.

3.13.

Fil-fehma tal-KESE, is-suġġett tal-impatt tal-Big Data fuq il-kompetizzjoni huwa u se jkun dejjem aktar importanti. Politika intervenzjonista żżejjed tista’ madankollu tnaqqas l-inċentivi għall-innovazzjoni (jiġifieri servizzi aħjar u prezzijiet orħos li jistgħu jiddependu minn innovazzjonijiet fit-tqassim tal-prodotti u fil-pjattaformi tal-akkwist).

3.14.

Vantaġġ ta’ big data fuq il-kompetituri jista’ jippermetti lill-atturi ewlenin li jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq. It-tekniki analitiċi kbar (in-negozjar tad-data, is-suq onlajn, ir-rikonoxximent tal-mudelli, l-istima tad-domanda, l-ottimizzazzjoni tal-prezzijiet) jistgħu jkunu prattiki ta’ sfruttament.

3.15.

Fil-kuntest tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali, l-investigazzjonijiet tal-KE wrew li r-restrizzjonijiet tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid huma l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni mifruxa fis-swieq tal-kummerċ elettroniku. Fl-2018 il-KE ħarġet sensiela ta’ deċiżjonijiet li jimmultaw lill-kumpaniji li jimponu restrizzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid onlajn bi ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

3.16.

Fir-rigward tat-tassazzjoni, il-KESE jinnota b’sodisfazzjon l-azzjonijiet implimentati mill-Kummissjoni fl-2018. Fl-istess ħin huwa importanti li anki f’dan il-qasam tkun żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-pajjiżi differenti. B’mod partikolari, hija meħtieġa aktar sorveljanza fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u tal-vantaġġi kompetittivi illegali miksuba permezz ta’ ftehimiet bejn ċerti pajjiżi u l-atturi l-kbar, imġiba li tfixkel is-suq ħieles u tagħmel ħsara lill-SMEs, minbarra li tiġġenera kompetizzjoni inġusta bejn il-pajjiżi.

3.17.

Fir-rigward tal-enerġija, il-KESE jinnota li f’ċerti pajjiżi għadha mhijiex żgurata trasparenza sħiħa u ġenerali tal-kontijiet domestiċi. Mingħajr trasparenza tonqos il-possibbiltà għall-konsumaturi li jagħmlu għażla infurmata u dan jiffavorixxi l-istatus quo tal-atturi l-kbar.

3.18.

L-agrikoltura u l-ikel. F’dan is-settur huwa importanti li tiġi protetta l-produzzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini Ewropej fis-settur agroalimentari. Is-settur taż-żrieragħ u tal-pestiċidi huwa essenzjali għall-bdiewa u għall-konsumaturi, iżda dan jiġġenera wkoll tħassib li jmur lil hinn mill-ħarsien tal-konsumaturi, is-sigurtà alimentari u l-garanzija tal-konformità mal-istandards ambjentali u klimatiċi.

3.19.

Fir-rigward tat-trasport, huwa ssuġġerit li l-Kummissjoni tivverifika jekk, u sa liema punt, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-pitrolju tistax tikkostitwixxi għajnuna mhux dovuta lill-kumpaniji tal-ajru meta mqabbla mat-trasport ferrovjarju.

3.20.

Biex ikun żgurat bilanċ bejn il-libertà tas-suq u l-konċentrazzjonijiet, ma jidhirx li huwa biżżejjed li ssir referenza għall-kompetizzjoni minn atturi kbar globali oħrajn, speċjalment jekk dawn ikunu ġejjin minn pajjiżi magħluqin għall-kompetizzjoni min-naħa ta’ kumpaniji barranin. F’dan ir-rigward, huwa ssuġġerit li bħala alternattiva għal fużjonijiet korporattivi li jdgħajfu l-kompetizzjoni, jittieħdu azzjonijiet immirati biex jingħelbu ostakli għad-dħul fis-swieq terzi, inċentivi fiskali aktar b’saħħithom għar-riċerka u l-iżvilupp, ftehimiet bejn il-produtturi Ewropej biex jikkoordinaw l-istrateġiji ta’ esportazzjoni u l-investimenti barra l-pajjiż.

3.21.

Fi kwalunkwe każ, id-difiża tal-konsumatur trid tkun ibbilanċjata mal-azzjoni ta’ appoġġ u promozzjoni ta’ kumpaniji innovattivi u l-SMEs (bi strumenti li ma jagħmlux ħsara lill-kompetizzjoni dinamika fis-suq), it-triq ewlenija lejn il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u s-sostenibbiltà dinamika tas-sistema produttiva.

3.22.

Fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-kompetizzjoni, il-KESE jqis il-qafas legali dwar ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali u l-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi bħala wieħed mill-oqsma li għandhom jiġu indirizzati sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni verament ħielsa fis-suq attwali.

3.23.

L-għan hu li tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ “dumping soċjali” (kompetizzjoni inġusta f’termini ta’ ħlas u kundizzjonijiet tax-xogħol li jikkawżaw spiral ’l isfel) u li jiġi żgurat trattament ugwali tal-ħaddiema kull fejn joperaw u ġejjin minn fejn ġejjin, u nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema u tal-kumpaniji fil-post fejn isir ix-xogħol.

3.24.

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa sorpriż li, għall-ewwel darba, la f’dan ir-Rapport u lanqas fid-dokument ta’ ħidma SWD(2019) 297 li jakkumpanjah, għall-kuntrarju tar-Rapporti kollha tal-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin, tħalliet barra kwalunkwe referenza għan-nuqqas ta’ progress f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet kollettivi bħala mezz għall-promozzjoni ta’ kumpens effettiv għad-danni kkawżati lill-konsumaturi minħabba l-ksur tar-regoli tal-antitrust, li mhumiex koperti mid-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-antitrust, b’mod partikolari meta titqies l-Opinjoni tal-KESE (6) dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi (7) u d-deċiżjoni tal-Kunsill li teskludi l-azzjonijiet kollettivi (8) kollha mid-Direttiva l-ġdida li ġiet adottata dan l-aħħar, li l-KESE qiesha bħala manifestament inadegwata.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, il-KESE jaqbel mal-għażla tal-KE li tqisha prijorità u li tiffoka l-programm tal-kompetizzjoni għall-2021-2027 fuq l-isfidi b’rabta mal-Big Data, l-algoritmi u l-IA. Il-KESE jistieden lill-KE sabiex timplimenta dak li hemm fir-rapport ta’ April 2019 dwar “Competition policy for the digital era” (Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali), b’mod partikolari rigward:

4.1.1.

l-istrateġiji li għandhom jiġu implimentati biex tingħeleb kwalunkwe limitazzjoni għall-kompetizzjoni u għas-suq ħieles li ssir mill-pjattaformi diġitali, inkluż fis-setturi kummerċjali u tat-turiżmu;

4.1.2.

l-għarfien reali u sħiħ u t-trasferibbiltà tad-data personali tal-utent konsumatur miżmuma minn kwalunkwe pjattaforma;

4.1.3.

il-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta’ esklużjoni ta’ kumpaniji li xi pjattaformi diġitali jikkunsidraw potenzjalment perikolużi għall-pożizzjoni dominanti tagħhom;

4.1.4.

is-salvagwardja tas-suq ħieles billi jitħarsu n-negozji ġodda ż-żgħar li għandhom potenzjal fis-suq u li ta’ spiss jiġu assorbiti minn atturi kbar fis-settur diġitali, li jarawhom bħala kompetituri futuri perikolużi.

4.2.

Il-KESE jemmen li dawk l-operaturi li f’kull livell assejnaw kompiti ta’ interess ġenerali lil pjattaformi diġitali għandu jkollhom ukoll l-għodod leġislattivi biex jaċċessaw u jikkontrollaw l-algoritmi użati minn dawn il-pjattaformi.

4.3.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri maħsuba biex tiġi ssorveljata l-implimintazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u tiġi protetta l-libertà ta’ aċċess għas-swieq globali min-naħa tal-kumpaniji Ewropej.

4.4.

F’dan ir-rigward, hemm bżonn li tiġi żgurata reċiproċità reali fis-swieq globali tal-akkwist pubbliku.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Artikoli 7, 9, 11 u 12 tat-TFUE.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(3)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 10.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3).

(5)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).

(6)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 66.

(7)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE, COM(2018) 184 final – 2018/0089 (COD).

(8)  Ara d-dokument PE-CONS 83/19 tat-18 ta’ Ottubru 2019.


24.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 97/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 rigward tad-dixxiplina finanzjarja mis-sena finanzjarja 2021 u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri fir-rigward tas-sena kalendarja 2020”

(COM(2019) 580 — 2019/0253(COD))

(2020/C 97/09)

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 13.11.2019

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 15.11.2019

Bażi ġuridika

Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fil-plenarja

11.12.2019

Sessjoni plenarja Nru

548

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

191/1/1

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-548 sessjoni plenarja tiegħu tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2019 (seduta tal-11 ta’ Diċembru), b’191 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER