ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 38

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
5 ta' Frar 2020


Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 38/01

Rata tal-kambju tal-euro — L-4 ta' Frar 2020

1


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 38/02

Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping

2

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 38/03

Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9707 — Aperam Alloys Imphy/Tekna Plasma Europe/ImphyTek Powders) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

3

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 38/04

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

5


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-4 ta' Frar 2020

(2020/C 38/01)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1048

JPY

Yen Ġappuniż

120,52

DKK

Krona Daniża

7,4729

GBP

Lira Sterlina

0,84880

SEK

Krona Żvediża

10,6278

CHF

Frank Żvizzeru

1,0702

ISK

Krona Iżlandiża

137,90

NOK

Krona Norveġiża

10,1948

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,143

HUF

Forint Ungeriż

336,32

PLN

Zloty Pollakk

4,2753

RON

Leu Rumen

4,7763

TRY

Lira Turka

6,6073

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6439

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4671

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,5805

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7102

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5139

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 310,75

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,3262

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7298

HRK

Kuna Kroata

7,4518

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 146,81

MYR

Ringgit Malażjan

4,5424

PHP

Peso Filippin

56,102

RUB

Rouble Russu

69,8725

THB

Baht Tajlandiż

34,194

BRL

Real Brażiljan

4,6704

MXN

Peso Messikan

20,6722

INR

Rupi Indjan

78,7120


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/2


Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping

(2020/C 38/02)

1.   Kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), il-Kummissjoni tavża li, sakemm ma jitnediex rieżami skont il-proċedura li ġejja, il-miżuri anti-dumping imsemmijin hawn taħt se jiskadu fid-data msemmija fit-tabella ta’ hawn taħt.

2.   Proċedura

Il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jippreżentaw talba bil-miktub għal rieżami. Din it-talba trid tinkludi biżżejjed evidenza li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għat-tkomplija jew għar-rikorrenza ta’ dumping u dannu. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħmel rieżami tal-miżuri kkonċernati, l-importaturi, l-esportaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż tal-esportazzjoni u l-produtturi tal-Unjoni mbagħad jingħataw l-opportunità li jelaboraw, jirrifjutaw jew jikkummentaw dwar il-kwistjonijiet imsemmija fit-talba għal rieżami.

3.   Limitu taż-żmien

Il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jippreżentaw talba bil-miktub għal rieżami abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, li għandha tasal għand: European Commission, Directorate-General for Trade (Unit H-1), CHAR 4/39, B-1049 Brussels (2) fi kwalunkwe żmien mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, iżda mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data msemmija fit-tabella hawn taħt.

4.   Dan l-avviż huwa ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Prodott

Pajjiż(i) tal-oriġini jew tal-esportazzjoni

Miżuri

Referenza

Data tal-iskadenza (3)

Fittings ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Dazju anti-dumping

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1934 tas-27 ta’ Ottubru 2015 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi u pajpijiet, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

(ĠU L 282, 28.10.2015, p. 14)

29 ta’ Ottubru 2020


(1)  ĠUL 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  TRADE-Defence-Complaints@ec.europa.eu

(3)  Il-miżura tiskadi f’nofsillejl tal-jum imsemmi f’din il-kolonna


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/3


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9707 — Aperam Alloys Imphy/Tekna Plasma Europe/ImphyTek Powders)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 38/03)

1.   

Fl-24 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Aperam Alloys Imphy SAS, (“Aperam”, il-Lussemburgu), sussidjarja li hija proprjetà kollha kemm hi ta’ Aperam S.A.

Tekna Plasma Europe SAS (“Tekna”, in-Norveġja), sussidjarja indiretta ta’ Arendals Fossekompani ASA.

ImphyTek Powders SAS (“ImphyTek Powders”, Franza).

Aperam u Tekna jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ ImphyTek Powders.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi f’impriża konġunta (joint venture, JV).

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Aperam: manifattura u bejgħ ta’ azzar inossidabbli, azzar tal-elettriku u ligi tal-azzar ta’ speċjalità bi klijenti f’aktar minn 40 pajjiż,

Tekna: manifattura ta’ atomizzaturi tagħmir periferali biex issir il-produzzjoni ta’ trabijiet metalliċi,

ImphyTek Powders: manifattura u bejgħ ta’ trab minn ligi tal-nikel.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9707 — Aperam Alloys Imphy/Tekna Plasma Europe/ImphyTek Powders

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles / Brussel

BELGIQUE / BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/5


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

(2020/C 38/04)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Anjou-Coteaux de la Loire”

PDO-FR-A0405-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 18/11/2019

DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET TAL-EMENDA APPROVATA

1.   Żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija emendata kif ġej: “Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni għandhom isiru fiż-żona ġeografika, li l-perimetru tagħha jkun jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, fid-dipartiment ta’ Maine-et-Loire, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2018: Bouchemaine, Chalonnes-sur-Loire, Champtocé-sur-Loire, Ingrandes-Le Fresne sur Loire (eks territorju tal-muniċipalità ddelegata ta’ Ingrandes), Mauges-sur-Loire (eks territorju tal-muniċipalitajiet iddelegati ta’ Mesnil-en-Vallée, Montjean-sur-Loire u La Pommeraye), La Possonnière, SaintGeorges-sur-Loire, Saint-Germain-des-Prés.

Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità.”

Emenda editorjali : il-lista l-ġdida ta’ entitajiet amministrattivi tqis il-fużjonijiet jew emendi oħrajn ta’ żoni amministrattivi minn dakinhar tal-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni. Għal aktar ċertezza legali, il-lista tirreferi għall-verżjoni fis-seħħ tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali, li jiġi ppubblikat kull sena mill-INSEE. Il-perimetru taż-żona ġeografika jibqa’ strettament identiku.

Fl-aħħar nett, biex il-pubbliku jkun infurmat aħjar, issir referenza għad-disponibbiltà fuq is-sit web tal-INAO, ta’ mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika.

Il-punt 6 tad-Dokument Uniku dwar iż-żona ġeografika huwa emendat kif xieraq.

2.   Żona fil-viċinanza immedjata

Fil-punt IV(3) tal-Kapitolu 1, il-lista tal-muniċipalitajiet hija sostitwita b’dan li ġej:

id-dipartiment ta’ Loire-Atlantique : Vair-sur-Loire (eks territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Anetz). ;

id-dipartiment ta’ Maine-et-Loire: Chaudefonds-sur-Layon, Denée, Mauges-surLoire (eks territorji delegati ta’ La Chapelle-Saint-Florent, Le Marillais, Saint-Florent-le-Vieil u Saint-Laurent-du-Mottay), Rochefort-sur-Loire, Savennières, Val-du-Layon (eks territorju tal-muniċipalità delegata ta’ SaintAubein-de-Luigné).

Dan jippermetti li jitqiesu l-fużjonijiet differenti tal-muniċipalitajiet li jkunu saru mill-aħħar verżjoni tal-ispeċifikazzjoni. Il-perimetru taż-żona fil-viċinanza immedjata jibqa’ strettament identiku.

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku dwar il-kundizzjonijiet addizzjonali huwa emendat kif xieraq.

3.   Dispożizzjoni agroambjentali

Fil-punt VI(2) tal-Kapitolu 1, ġie miżjud : “Hija obbligatorja kopertura veġetali kkontrollata, naturali jew miżrugħa, bejn ir-ringieli; fin-nuqqas ta’ din il-kopertura veġetali, l-operatur irid jaħdem ir-raba’ bil-għan li jiżgura li jkollu l-veġetazzjoni naturali taħt kontroll inkella jrid jiġġustifika l-użu ta’ prodotti tal-bijokontroll approvati mill-awtoritajiet pubbliċi fil-vitikultura. Meta jintużaw l-erbiċidi tal-bijokontroll fuq roqgħa art, l-użu ta’ erbiċidi oħra huwa pprojbit. ”

Din l-emenda takkumpanja l-evoluzzjoni attwali tal-prattiki tal-operaturi favur l-agroekoloġija fil-vinji ta’ Anjou inġenerali. Tirrifletti ż-żieda fil-konsiderazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-proċeduri tekniċi. Bil-promozzjoni tal-preżenza ta’ kopertura veġetali, jew bl-użu ta’ metodi mekkaniċi għat-tneħħija tal-ħaxix ħażin jew bl-użu ta’ prodotti ta’ bijokontroll, l-emenda għandha l-għan li tnaqqas l-użu tal-erbiċidi kimiċi. Dan it-tnaqqis fl-erbiċidi għandu jagħmilha possibbli li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħamrija tad-dwieli u li jiġu ppreservati l-karatteristiċi naturali tagħha (il-fertilità, il-bijodiversità, il-purifikazzjoni bijoloġika), li jikkontribwixxu għall-kwalità u għall-awtentiċità tal-inbejjed u li jsaħħu l-kunċett ta’ territorju.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

4.   It-tħabbir tal-ħsad

Fil-punt VII(1)(a) tal-Kapitolu 1, tħassret is-sentenza “Id-data tal-bidu tal-ħsad hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu D. 645-6 tal-kodiċi rurali u tas-sajd marittimu. ”.

L-istabbiliment ta’ data għall-bidu tal-ħsad ma għadux meħtieġ illum, peress li l-operaturi issa għandhom firxa wiesgħa ta’ għodod li jippermettulhom jivvalutaw sew il-maturità tal-għeneb. Kull operatur għandu għadd ta’ apparati u tagħmir, kemm personali kif ukoll kollettivi, li jagħmluha possibbli li tiġi ddeterminata b’mod preċiż id-data ottimali tal-bidu tal-ħsad ta’ kull roqgħa, skont l-għanijiet tal-produzzjoni.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

5.   Kapaċità tal-kmamar tal-fermentazzjoni

Fil-punt IX(1)(c) tal-Kapitolu 1, is-sentenza : “Kull operatur għandu jkollu kmamar ta’ fermentazzjoni kbar biżżejjed li jipproduċu mill-inqas 1,4 drabi r-rendiment medju tal-azjenda agrikola matul l-aħħar ħames snin. ” ġiet sostitwita bis-sentenza : “Kull operatur għandu jkollu kmamar ta’ fermentazzjoni kbar biżżejjed li jipproduċu mill-inqas 1,4 drabi l-volum medju tal-inbid prodott matul dawn l-aħħar ħames snin. ”

Fl-ispeċifikazzjoni, ma saritx referenza għal kapaċità tal-volum (espressa f’hl jew f’m3) iżda għal rendiment, jiġifieri volum tal-ħsad diviż biż-żona tal-produzzjoni (espress pereżempju f’hl/ha). L-emenda proposta tagħmilha possibbli li tiġi rimedjata din l-inkonsistenza f’termini ta’ kwantitajiet, mingħajr ebda bidla fis-sustanza (b’minimu dejjem stabbilit għal 1,4 drabi l-volum medju ta’ nbid prodott mill-azjenda agrikola fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti).

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

6.   Ċirkolazzjoni tal-inbejjed

Il-punt IX(5)(b) tal-Kapitolu 1 dwar id-data tal-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed bejn id-depożitanti awtorizzati huwa mħassar.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

7.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta ġiet riveduta biex jiġi aġġornat l-għadd ta’ muniċipalitajiet ikkonċernati (8 minflok 10).

Il-punt 8 tad-Dokument Uniku dwar ir-rabta huwa emendat kif xieraq.

8.   Żamma tar-reġistru

Fil-punt II(3) tal-Kapitolu 2, il-kelma “qawwa” tiġi sostitwita b’“naturali”.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-abbozzar tal-kliem użat fl-ispeċifikazzjonijiet kollha taż-żona ta’ Anjou Saumur, il-kliem “qawwa alkoħolika naturali skont il-volum” jissostitwixxi t-termini “qawwa alkoħolika” jew “grad”. Dawn l-emendi jtejbu l-leġġibbiltà ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet. L-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ reġistri hija maħsuba biex tiffaċilita t-tfassil tal-pjan ta’ spezzjoni u l-kontroll ta’ dawn ir-reġistri.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

9.   Punti ewlenin li jridu jiġu kkontrollati

Il-Kapitolu 3 ġie rivedut biex jiżgura l-koerenza fl-abbozzar tal-punti ewlenin li għandhom jiġu eżaminati fl-ispeċifikazzjonijiet taż-żona ta’ Anjou Saumur.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet tal-prodott

Anjou-Coteaux de la Loire

2.   Tip Ta’ Indikazzjoni Ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tal-vinji

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Dawn huma nbejjed bojod bla gass magħmulin minn għeneb maħsud meta jkun misjur iżżejjed (konċentrazzjoni naturali maz-zokk bil-moffa nobbli jew mingħajrha), eleganti b’kumplessità aromatika kbira (aromi ta’ fjuri, ta’ frott frisk jew niexef jew ta’ konfettura) li jingħaqdu biex fil-palat jagħqdu l-ħlewwa mal-freskezza.

Dawn għandhom:

 

Qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 14 %.

 

Kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju), wara l-fermentazzjoni ta’ mill-inqas 34 g/l.

Il-qawwa alkoħolika proprja minima hija ta’ 10 u 11 għall-inbejjed li l-qawwa alkoħolika naturali tagħhom skont il-volum hija inqas minn 18 %.

Il-kontenut totali ta’ aċidità u ta’ diossidu tal-kubrit huwa dak stabbilit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

18

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% ta’ volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

25

Total massimu ta’ dijossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

Arrikkiment

Prattika enoloġika speċifika

L-arrikkiment huwa awtorizzat skont ir-regoli stipulati fl-ispeċifikazzjoni.

Użu ta’ biċċiet tal-injam

Prattika enoloġika speċifika

L-użu ta’ biċċiet tal-injam huwa pprojbit. Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-livell Komunitarji kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiki enoloġiċi użati.

Densità

Prattika tal-kultivazzjoni

Densità minima tat-tħawwil : 4000 pjanta /ettaru.

Dawn id-dwieli ma jistax ikollhom distanza bejn ir-ringieli ta’ aktar minn 2.50 m u distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela trid tkun inqas minn 1 m. L-irqajja’ ta’ art bid-dwieli b’densità ta’ tħawwil ta’ inqas minn 4 000 pjanta/ettaru iżda ta’ mill-inqas 3 300 pjanta/ettaru għandhom ikunu intitolati għall-AOC għall-ħsad, soġġetti għall-konformità mar-regoli relatati mar-regoli dwar il-kannizzati u mal-għoli tal-weraq stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet. L-ispazju ta’ bejn ir-ringieli ta’ dawn l-irqajja’ ta’ art bid-dwieli ma jistax ikun aktar minn 3 m u l-ispazju ta’ bejn il-pjanti fl-istess ringiela jrid ikun inqas minn 1 m.

Daqs

Prattika tal-kultivazzjoni

Il-vinji jinżabru sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April, b’metodi differenti ta’ żbir, b’massimu ta’ 12-il rimja għal kull pjanta u 4 rimjiet fuq iz-zokk it-twil.

Ħsad

Prattika tal-kultivazzjoni

L-għeneb jinħasad manwalment bi ħsad selettiv suċċessiv.

Tisqija

Prattika tal-kultivazzjoni

It-tisqija hija pprojbita

b.   Rendimenti massimi

40 ettolitru għal kull ettaru

6.   Iż-żona ġeografika demarkata

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni jsiru fiż-żona ġeografika, li l-perimetru tagħha jkun jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, fid-dipartiment ta’ Maine-et-Loire, abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2018: Bouchemaine, Chalonnes-sur-Loire, Champtocé-sur-Loire, Ingrandes-Le Fresne sur Loire (eks territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Ingrandes), Mauges-sur-Loire (eks territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Mesnilen-Vallée, Montjean-sur-Loire u La Pommeraye), La Possonnière, SaintGeorges-sur-Loire, Saint-Germain-des-Prés.

Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità.

7.   Dwieli Ewlenin

Chenin B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

1   - Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika

a)   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta

Iż-żona ġeografika tikkorrispondi għas-setturi ta’ għoljiet tax-shale max-xatt tal-Loire. Din hija l-parti l-aktar fil-Punent tal-vinji tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Anjou”. Fl-2018, din estendiet fuq it-territorju ta’ 8 muniċipalitajiet fil-Punent tad-dipartiment ta’ Maine-et-Loire. Tibda fuq il-periferija ta’ Angers, fil-muniċipalità ta’ Bouchemaine, sal-konfluwenza tal-Loire u tal-Maine, imbagħad testendi fuq iż-żewġ naħat tax-xmara, sa Ingrandes-sur-Loire u Le Mesni-en-Vallée, lejn Nantes.

Il-klima moderata hija influwenzata sew mix-xmara. Il-vinji jinsabu fuq l-eqreb għoljiet li jmissu ma’ din tal-aħħar u mhumiex itwal minn 3 kilometri. Minn din id-distanza lejn it-Tramuntana u lejn in-Nofsinhar, il-pajsaġġ jikkonsisti prinċipalment minn mergħat u boskijiet. L-isem “Coteaux de la Loire” juri t-topografija tal-vinji bl-inklinazzjonijiet differenti tagħha. Filwaqt li fil-muniċipalità ta’ Bouchemaine, l-għoljiet huma weqfin ħafna, dawk tal-muniċipalitajiet ta’ Ingrandes-sur-Loire u ta’ Saint-Georges-sur-Loire huma ferm inqas weqfin.

Il-ħamrija f’irqajja’ ta’ art demarkati b’mod preċiż għall-ġbir tal-għeneb issir mill-formazzjonijiet primarji tal-Massif Armorikan. Din il-ħamrija hija magħmula minn schale ftit li xejn żviluppat jew minn ħamrija ramlija u bix-shale. Hawnhekk jistgħu jinstabu wkoll xi ħamrija żviluppata li tkun ġejja mill-ġebel volkaniku u xi ħamrija kannella tal-ġir minn Dévonien. Dawn it-tipi ta’ ħamrija mhumiex fondi u s-sodda tal-blat spiss tinsab f’fond ta’ inqas minn 0.40 m. Dawn ma għandhom l-ebda sinjal idromorfiku u r-riżervi tal-ilma huma moderati ħafna.

Il-klima hija ta’ tip oċeanika. In-natura oċeanika tal-klima hija moderata minħabba l-fœhn b’effett tal-għoljiet ta’ Mauges, li jinsabu fil-Punent tal-għelieqi bid-dwieli. Il-medja annwali ta’ xita hija ta’ 650 millimetru u hija kkaratterizzata minn firxa wiesgħa ta’ riħ umduż, iżda mbagħad taqbeż it-800 mm fuq l-għoljiet ta’ Mauges. Il-Loire għandha wkoll funzjoni ta’ kontroll tat-temperatura matul is-sena.

Flimkien mat-topografija, l-espożizzjoni tal-għoljiet hija essenzjali. Fuq ix-xatt tal-lemin, il-vinji esposti għan-Nofsinhar huma protetti mill-irwiefen kesħin mit-Tramuntana u għalhekk jibbenefikaw minn kundizzjonijiet favorevoli ħafna. Fuq ix-xatt tax-xellug, l-effett drenanti tal-ilma mix-xmara għall-arja kiesħa għandu rwol ewlieni fit-tisħin tal-għoljiet li jħarsu lejn it-Tramuntana. Xi postijiet l-aktar kennija, huma protetti mir-riħ u b’hekk jibbenefikaw minn gwadann tas-sħana. Fl-aħħar nett, il-Loire għandha rwol ewlieni fiż-żmien il-ħsad, billi tgħin fil-formazzjoni tan-nida bikrija ta’ filgħodu li hija essenzjali għall-iżvilupp tal-“moffa nobbli”.

b)   Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta

Filwaqt li l-istorja tad-dwieli ta’ Anjou tmur lura għas-seklu 9, ir-referenza eżatta għall-vinji “Coteaux de la Loire” tidher għall-ewwel darba fl-1749 fit-“Traité sur la nature et la culture de la vigne” (Trattat dwar in-natura u l-kultivazzjoni tad-dwieli) tas-Sur Bidet u s-Sur Duhamel de Monceau, li tgħid li f’din il-vinja : “It-territorju, li huwa diffiċli ħafna li jinħadem, issa huwa kkultivat perfettament u mħawwel kollu kemm hu bid-dwieli...”.

Dikjarazzjoni mill-Kunsill tal-Istat dwar miżuri amministrattivi meħuda fl-1804 turi li dan ir-reġjun jipproduċi biss inbejjed bojod : “Jekk iż-żewġ naħat tal-Loire huma favorevoli biss għall-kultivazzjoni tal-inbejjed bojod, u jekk dawk l-inbejjed jiffurmaw parti importanti tal-kummerċ...”. Din id-dikjarazzjoni tirreferi wkoll għall-Belġju li, dak iż-żmien, kien iħobb l-inbejjed tal-“Coteaux de la Loire”.

Aktar reċentement, fl-1842, is-Sur Auguste Petit-Lafitte qal li : “Il-Gros Pineau jew ix-Chenin hija l-aktar varjetà ta’ għenba prezzjuża. ” Il-vinji ta’ Anjou huma l-art ideali għall-varjetà tal-għenba Chenin B. Varjetà rustika, bil-potenzjal tagħha li jvarja ħafna skont it-tip ta’ ħamrija, jew, b’mod aktar ġenerali, il-post li fih tkun imħawwla. Il-produtturi tal-inbid ukoll fehmu malajr il-valur tal-ħsad ta’ din il-varjetà fi stadju avvanzat ta’ maturità u skont tekniki partikolari. Il-Konti Odart, fl-1845, fit-“Traité des cépages” (“Trattat dwar il-varjetà tal-għeneb”) tiegħu, jgħid : “Jenħtieġ li tiżdied ukoll il-kundizzjoni li trid tinħasad biss f’perjodu li jkun qabeż il-maturazzjoni, bħal meta tasal il-festa tal-Qaddisin Kollha, meta l-qoxra, imrattba mix-xita, tibda titqaxxar. ”

Għalhekk, il-maturazzjoni żejda hija parti integrali tal-ħsad. Jullien, fl-1816, f’“Topographie de tous les vignobles connus” (Topografija tal-vinji kollha magħrufa), jgħid li : “Fl-inbejjed tajbin, l-għeneb jinħasad bosta drabi ; l-għeneb tal-ewwel u t-tieni ħsad, jinħasad biss l-aktar għeneb misjur biex jiġu prodotti l-inbejjed għall-esportazzjoni; l-inbejjed li jsiru bit-terza jintużaw għall-konsum fil-pajjiż...”

Il-kultivazzjoni tad-dwieli, f’din il-vinja għandha, evolviet bl-istess mod bħal fil-kumplament ta’ Anjou. Fil-fatt, il-wasla tas-sensara Olandiżi fis-seklu 16, wasslet għat-tkabbir tas-suq tal-“inbejjed għall-baħar” (destinati għal pajjiżi barranin) prodotti minn dwieli maqtugħin biz-zokk qasir (nodu wieħed jew tnejn). Is-suq intern, immirat l-aktar lejn il-forniment ta’ Pariġi, kien qiegħed jiżviluppa wkoll, b’inbejjed ta’ reputazzjoni aktar baxxa żviluppati minn dwieli maqtugħin biz-zokk twil (sitt jew seba’ nodi).

Fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-produzzjoni ġiet prinċipalment diretta lejn it-tiftix għal inbejjed “nofshom misjura” li kienu simili għall-“inbejjed għal Pariġi” fil-passat. L-isforzi li jiġu prodotti nbejjed b’identità qawwija, b’konċentrazzjoni kbira ta’ zokkor, reġgħet bdiet mis-snin tmenin.

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Anjou-Coteaux de la Loire” jitqiesu bħala nbejjed “ħelwin” mill-aqwa (magħrufin lokalment bħala “likur”) ta’ Anjou.

2   - Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott.

Il-karatteristika ewlenija tal-inbejjed hija l-eleganza. Dawn l-inbejjed għandhom aroma kumplessa ħafna, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tgħaqqad aromi ta’ fjuri ma’ dawk ta’ frott frisk, jew saħansitra niexef jew konfettura, u jqanqlu togħma ta’ “ħlewwa ta’ Anjou”. Fil-palat, huma jikkombinaw il-freskezza mal-ħlewwa. Ħfief bħal-Loire fis-sajf, jew invażivi bħall-għargħar tagħha fix-xitwa, l-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Anjou-Coteaux de la Loire”, ikun xi jkun iż-żmien, jafu juru l-kwalità tagħhom.

3   - Interazzjonijiet kawżali

Il-kombinazzjoni tal-ħamrija baxxa ma’ topografija li tippermetti esponiment eċċellenti, li tiffavorixxi provvista ta’ ilma regolari, tippermetti lill-varjetà tal-għeneb tax-Chenin B tesprimi l-effett sħiħ tagħha.

Il-lok tal-vinja, fil-viċinanza immedjata tal-Loire, li tirregola t-temperaturi matul iċ-ċiklu veġetattiv, u ffavoriti b’ġestjoni adegwata tal-vinji, b’mod partikolari b’żabra qasira, tippermetti maturità ottimali. Il-preżenza tax-xmara tippermetti wkoll li tintlaħaq il-maturazzjoni żejda, kemm bir-riħ li hija tidderieġi, li jippromwovi b’mod mekkaniku d-dessikazzjoni tal-għeneb, jew bil-formazzjoni taċ-ċpar ta’ filgħodu li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-botrytis cinerea kif ukoll tal-“moffa nobbli”.

L-istennija tal-maturazzjoni żejda tal-għeneb, l-istennija għall-waqt ideali sabiex fih isir il-ħsad tal-għeneb f’perjodu avvanzat fil-ħarifa u t-twettiq ta’ għażliet manwali suċċessivi fl-istess roqgħa ta’ art biex jintgħażel l-għeneb, ikkonċentrat b’mod naturali jew affettwat b’“moffa nobbli” (“mixwija”), juru fl-istess ħin kemm l-għarfien tal-produtturi kif ukoll il-kapaċità partikolari ħafna tal-varjetà tal-għeneb tax-Chenin B. Din tal-aħħar hija deskritta, fl-1861, minn Guillory Aîné : “Il-ħsad tal-għeneb, bi ftit eċċezzjonijiet, isir f’Ottubru, wara li jiġi aċċertat li l-għeneb ikun perfettament matur, u li jkun hemm mill-inqas kwart imħassar. ”

Il-kombinazzjoni ta’ ambjent partikolari, ta’ varjetà ta’ għenba li tkun perfettament adattata għalih u ta’ persuni li jkunu jafu kif jisfruttaw dawn il-kwalitajiet, tagħmilha possibbli li jinkisbu nbejjed partikolarment oriġinali. Diversi kitbiet jagħtu xhieda tan-natura magħrufa sew ta’ dawn l-inbejjed, bħal dawk ta’ M. Petit-Lafitte, li jgħid: “Meta dawk id-dwieli jinżabru għal nodu wieħed jew tnejn, huma jipprovdu nbejjed li huma ħelwin u delikati u li huma mfittxija mill-Belġju. ”

Fir-rigward ta’ Guillory Aîné, fl-1861, f’“Bulletin de la Société Agricole et Industrielle d’Angers” (Bulettin tas-Soċjetà Agrikola u Industrijali ta’ Angers), huwa jfakkarna li: “Dawn l-artijiet x’aktarx mhumiex tajbin għal għelejjel oħra, mingħajr ma tiġġarrab spiża kbira, minħabba l-fertilità dgħajfa tagħhom; bħala riżultat, mhumiex tant abbundanti fl-inbid ; barra minn hekk, li kieku ma kinitx il-kwalità tagħhom li żammet il-prezz ftit għoli, il-kultivazzjoni tad-dwieli nnifisha kienet tiġi abbandunata minnufih. ”

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, definita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, fuq il-bażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2018 :

id-dipartiment ta’ Loire-Atlantique : Vair-sur-Loire (eks territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Anetz). ;

id-dipartiment ta’ Maine-et-Loire: Chaudefonds-sur-Layon, Denée, Maugessur-Loire (eks territorju ta’ muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-SaintFlorent, Le Marillais, Saint-Florent-le-Vieil u Saint-Laurent-du-Mottay), Rochefort-sur-Loire, Savennières, Val-du-Layon (eks territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Saint-Aubin-de-Luigné).

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-informazzjoni fakultattiva kollha għandha tinkiteb fuq it-tikketti b’ittri li d-daqs tagħhom, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, ma jkunux aktar mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Speċifiċità tad-denominazzjoni “Val de Loire”

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Id-daqs tal-ittri tad-denominazzjoni ġeografika “Val de Loire” ma għandhomx ikunu akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Tikkettar : Unità ġeografika iżgħar

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

It-tikkettar tal-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, bil-kundizzjoni li: - ikun post irreġistrat; - ikun fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem ta’ dan il-post irreġistrat għandu jiġi stampat b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx iktar mill-għoli u mill-wisa’, minn nofs dawk tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-09e61465-fad3-4eb8-8337-2500536afdcd


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.