ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 37

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
4 ta' Frar 2020


Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 37/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9640 — BCP/CD&R Fund X/BrandSafway) ( 1 )

1

2020/C 37/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9477 — STEAG/OYAK/SET) ( 1 )

2


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 37/03

Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament: 0,00 % fl-1 ta' Frar 2020 — Rata tal-kambju tal-euro

3


 

V   Avviżi

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 37/04

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

4


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9640 — BCP/CD&R Fund X/BrandSafway)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 37/01)

Fit 27 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9640. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


4.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9477 — STEAG/OYAK/SET)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 37/02)

Fit 27 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta’ amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9477. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/3


Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament (1):

0,00 % fl-1 ta' Frar 2020

Rata tal-kambju tal-euro (2)

It-3 ta' Frar 2020

(2020/C 37/03)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1066

JPY

Yen Ġappuniż

120,10

DKK

Krona Daniża

7,4729

GBP

Lira Sterlina

0,84775

SEK

Krona Żvediża

10,6808

CHF

Frank Żvizzeru

1,0672

ISK

Krona Iżlandiża

137,30

NOK

Krona Norveġiża

10,2590

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,177

HUF

Forint Ungeriż

337,70

PLN

Zloty Pollakk

4,2968

RON

Leu Rumen

4,7788

TRY

Lira Turka

6,6221

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6521

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4647

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

8,5935

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7106

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5138

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 319,12

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

16,4806

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,7681

HRK

Kuna Kroata

7,4465

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 207,45

MYR

Ringgit Malażjan

4,5526

PHP

Peso Filippin

56,293

RUB

Rouble Russu

70,5988

THB

Baht Tajlandiż

34,349

BRL

Real Brażiljan

4,7170

MXN

Peso Messikan

20,8183

INR

Rupi Indjan

79,0035


(1)  Rata applikata għall-operazzjoni l-iktar reċenti mwettqa qabel il-jum indikat. Fil-każ ta' sejħa għall-offerti b'rata varjabbli, ir-rata tal-interessi hija r-rata marġinali.

(2)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

4.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/4


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

(2020/C 37/04)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Muscadet”

PDO-FR-A0497-AM01

Data tal-komunikazzjoni: 8 ta’ Novembru 2019

DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET TAL-EMENDA APPROVATA

1.   Korrezzjonijiet editorjali

F’(II)(2) tal-Kapitolu 1, il-kliem “ir-referenza” ġew sostitwiti bi “ir-referenzi” u l-kliem “din ir-referenza” ġew sostitwiti b’“dawn ir-referenzi”

Din l-emenda għandha l-għan li tikkoreġi żball fl-abbozzar.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

2.   Żona ġeografika

Ir-reviżjoni taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni “Muscadet” tinvolvi l-esklużjoni ta’ seba’ muniċipalitajiet (Bouguenais, Frossay, Mésanger, Rezé, Le Pellerin, Touvois, u Varades) u ta’ seba’ partijiet mill-muniċipalitajiet (Gétigné, Legé, Ligné, Vieillevigne, Villeneuve-en-Retz, Cugand u Saint Hilaire-de-Loulay) wara ħidma biex tillimita l-vinji għaż-żoni fejn tinżamm vitikultura ta’ kwalità.

Barra minn hekk, saru emendi editorjali: il-lista l-ġdida tal-entitajiet amministrattivi tqis il-fużjonijiet jew emendi oħra taż-żoni amministrattivi li ilhom fis-seħħ minn meta ġiet approvata l-Ispeċifikazzjoni. Għal aktar ċertezza legali, il-lista tirreferi għall-verżjoni fis-seħħ tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali, ippubblikat kull sena mill-INSEE.

B’riżultat ta’ dan, id-Dokument Uniku dwar iż-żona ġeografika ġie emendat, kif ukoll il-parti ddedikata għad-deskrizzjoni tar-rabta mal-oriġini.

3.   Żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata

Fil-Kapitolu 1(IV)(2) tal-Ispeċifikazzjoni, wara l-kliem “19 ta’ Mejju 2011” żdied il-kliem “u l-20 ta’ Ġunju 2018”.

Din l-emenda għandha l-għan li żżid id-data ta’ approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ emenda taż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ demarkata fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ tar-raba’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ tar-raba’, fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni, li huma tajbin għall-produzzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta kkonċernata.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

4.   Żona fil-viċinanza immedjata

Iż-żona fil-viċinanza immedjata ġiet aġġornata wara l-fużjoni ta’ muniċipalità u r-reviżjoni taż-żona ġeografika. Għalhekk, ċerti muniċipalitajiet taż-żona ġeografika issa jinsabu fiż-żona fil-viċinanza immedjata. Iż-żona globali tal-vinifikazzjoni tad-denominazzjoni ma ġietx emendata.

Id-Dokument Uniku dwar il-kundizzjonijiet l-oħra ġie emendat b’riżultat ta’ dan.

5.   Ġestjoni tal-vinja

F’(VI):

Fil-paragrafu(1)(b), il-kliem “min-numru massimu ta’ rimjiet definiti skont ir-regoli taż-żabra. ” ġew sostitwiti bi “għal 14”

Fil-paragrafu(1)(c):

wara l-kliem “bejn ir-ringieli” żdied: “meta dan l-ispazju ma jkunx aktar minn 1,50 metru”

il-kliem “it-tul tal-weraq li jitkejjel” ġie sostitwit mill-kliem “it-tul tal-weraq jitkejjel”

Dawn l-iżviluppi saru wara l-emenda tar-rendiment massimu.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda

6.   Il-produzzjoni massima ta’ kull roqgħa art

Il-produzzjoni massima medja ta’ kull roqgħa art żdiedet għal 12 000 kg għal kull ettaru.12 000 kg għal kull ettaru.

L-emenda tal-produzzjoni massima ta’ kull roqgħa art saret flimkien mal-emenda tar-rendiment massimu tad-denominazzjoni.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

7.   Rendiment

Ir-rendiment tad-denominazzjoni żdied għal 70 ettolitru għal kull ettaru u r-rendiment massimu żdied għal 83 ettolitru għal kull ettaru.

Ir-rendiment u r-rendiment massimu żdiedu b’rabta mar-riċerka tal-aromi bit-tijol u friski fl-inbejjed sabiex joħorġu b’aktar qawwa l-karatteristiċi storiċi u speċifiċi tal-“Muscadet”. Barra minn hekk, ir-reviżjoni taż-żoni tal-irqajja’ tar-raba’ wriet li l-artijiet riżervati għad-denominazzjoni “Muscadet” huma aktar fertili.

Id-Dokument Uniku dwar ir-rendiment ġie emendat b’riżultat ta’ dan.

8.   It-trattament bis-sħana

Tħassret il-projbizzjoni dwar l-użu ta’ trattamenti bis-sħana fl-inbid b’temperaturi ta’ aktar minn 40 °C. L-emenda għandha l-għan li tagħti l-mezzi tekniċi kollha possibbli lill-operaturi biex jimmaniġġjaw il-konsegwenzi tas-snin diffiċli li kienu kkaratterizzati minn devjazzjonijiet organolettiċi tat-tip “Goût Moisi Terreux”. It-teknika tat-tisħin tal-most, imsejħa termovinifikazzjoni, ixxekkel ħafna inqas l-inbejjed f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis fil-ħxuna u t-traqqiq minn dik tal-użu tal-faħam enoloġiku nofsu poruż.

Id-Dokument Uniku dwar il-prattiċi enoloġiċi speċifiċi ġie emendat b’riżultat ta’ dan.

9.   Separazzjoni tal-fond tal-inbid

F’(IX)(c) żdied li l-inbejjed jinżammu separati mill-fond fin ta’ vinifikazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

F’riċerka dwar il-freskezza tal-inbejjed, il-perjodu ta’ maturazzjoni fuq il-fond tal-inbid ġie limitat.

Id-Dokument Uniku dwar il-prattiċi enoloġiċi speċifiċi, kif ukoll id-deskrizzjoni tar-rabta mal-oriġini, ġew emendati b’riżultat ta’ dan.

10.   Kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed

Tħassar il-punt IX(4)(b) tal-Kapitolu 1 dwar id-data tal-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed bejn id-depożitanti awtorizzati.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

11.   Miżura tranżitorja

Fil-punt XII(2) ġie miżjud: “Fuq bażi tranżitorja, u sal-ħsad tal-2019 inkluż, l-inbejjed jistgħu jinżammu fuq il-fond fin ta’ vinifikazzjoni tagħhom wara l-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

12.   Obbligi ta’ dikjarazzjoni

Id-data tal-għeluq tad-dikjarazzjoni ta’ talba mxiet mill-15 ta’ Diċembru għall-31 ta’ Diċembru.

Id-dikjarazzjonijiet fir-rigward tat-taqsima I(2) u (3) tal-Kapitolu II ġew emendati wkoll.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

13.   Reġistru

Saru bidliet editorjali fiż-żamma tar-reġistri.

F’(II)(2) tal-Kapitolu II:

fil-punt(b), tħassru l-kliem “sad-data tat-tressiq tad-dikjarazzjoni ta’ talba tiegħu” u “u l-aċidità tal-most”

fil-punt(c), il-kelma “Speċifikazzjoni” ġiet sostitwita b’“reġistru”

fil-punt(d), il-kelma “Speċifikazzjoni” ġiet sostitwita b’“reġistru” u tħassru l-kliem “jew għall-konsum tal-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata li mhumiex ippakkjati,”

Żdied ukoll l-obbligu li fir-reġistru tal-fabbrika tal-inbid titniżżel id-data tas-separazzjoni tal-inbid mill-fond fin ta’ vinifikazzjoni tiegħu.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

14.   Punti ewlenin li jridu jiġu kkontrollati

Il-Kapitolu 3 ġie rivedut għall-konsistenza fil-kliem tal-punti ewlenin li jridu jiġu kkontrollati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott taż-żona tal-pajjiż ta’ Nantes.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn din l-emenda.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet

Muscadet

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tal-vinji

1. Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

L-inbejjed huma bojod, xotti u mingħajr gass.

L-inbejjed għandhom:

qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 9,5 %;

kontenut massimu ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ 5 grammi għal kull litru;

kontenut totali ta’ aċidità volatili ta’ 10 milliekwivalenti għal kull litru;

qawwa alkoħolika totali massima skont il-volum, wara l-arrikkiment, ta’ 12 %;

kontenut totali ta’ acidità ta’ bejn 61 u 112-il milliekwivalenti għal kull litru għall-inbejjed li għandhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ bejn 3 grammi għal kull litru u 5 grammi għal kull litru.

Il-kontenut totali ta’ diossidu tal-kubrit tal-inbejjed u l-kontenut totali tal-aċidità tal-inbejjed li għandu kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ anqas minn 3 grammi għal kull litru, u l-qawwa alkoħolika totali miksuba mill-inbejjed huma konformi mal-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Komunitarju. L-inbejjed huma bojod, xotti u mingħajr gass.

Dawn għandhom aromi delikati, ħafna drabi f’serje ta’ frott jew fjuri, u bilanċ fit-togħma li huwa ġeneralment iddominat mill-freskezza.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% ta’ volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiċi enoloġiċi essenzjali

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tal-vinji hija ta’ 6 500 pjanta għal kull ettaru.

Id-distanza bejn ir-ringieli mhijiex aktar minn 1,50 metru u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela hija ta’ bejn 0,90 metru u 1,10 metru.

Il-vinji jinżabru b’massimu ta’ 14-il rimja għal kull pjanta:

jew b’żabra bi friegħi qosra b’massimu ta’ ħames friegħi għal kull pjanta;

jew b’żabra tat-tip Guyot sempliċi jew doppja.

Iż-żabra ssir qabel tiftaħ il-ftuħ taż-żahar jew qabel l-istadju 5 tal-iskala ta’ Eichhorn u Lorentz.

Ikun xi jkun il-metodu taż-żabra, id-dwieli jistgħu jinżabru b’4 rimjietaddizzjonali għal kull pjanta bil-kundizzjoni li fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa, in-numru taz-zkuk li jagħtu l-frott tas-sena għal kull pjanta ma jkunx aktar minn 14.

Prattika enoloġika speċifika

Huwa pprojbit kull trattament termiku tal-ħsad tal-għeneb fejn it-temperatura ma taqbiżx il-5 °C.

L-inbejjed ma jaqbżux il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 12 % wara l-arrikkiment.

L-inbejjed jinżammu separati mill-fond fin ta’ vinifikazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad. Minbarra d-dispożizzjonijiet ippreżentati hawn fuq, l-inbejjed jikkonformaw mal-obbligi li jinsabu fil-leġiżlazzjoni Komunitarju u fil-Kodiċi rurali u tas-sajd marittimu f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiki enoloġiċi.

b.   Rendimenti massimi

83 ettolitru għal kull ettaru

6.   Iż-żona ġeografika demarkata

L-istadji kollha tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika approvata mill--Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità fil-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti tal-15 ta’ Ġunju 2017. Il-perimetru ta’ din iż-żona, fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni mill-kumitat nazzjonali kompetenti, jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet jew partijiet mill-muniċipalitajiet li ġejjin abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali għall-2018:

Id-département tal-Loire-Atlantique: Aigrefeuille-sur-Maine, Ancenis, Basse-Goulaine, Le Bignon, La Boissière-du-Doré, Bouaye, Brains, Carquefou, Le Cellier, La Chapelle-Heulin, Château-Thébaud, La Chevrolière, Clisson, Corcoué-sur-Logne, Couffé, Divatte-sur-Loire, Geneston, Gétigné (parti), Gorges, La Haie-Fouassière, Haute-Goulaine, Le Landreau, Legé (parti), Ligné (parti), La Limouzinière, Le LorouxBottereau, Maisdon-sur-Sèvre, Mauves-sur-Loire, Monnières, Montbert, Mouzillon, Oudon, Le Pallet, La Planche, Pont-Saint-Martin, Port-SaintPère, La Regrippière, La Remaudière, Remouillé, Saint-Aignan-Grandlieu, Saint-Colomban, Sainte-Pazanne, Saint-Fiacre-sur-Maine, Saint-Géréon, Saint-Hilaire-de-Clisson, Saint-Julien-de-Concelles, Saint-Léger-les-Vignes, Saint-Lumine-de-Clisson, Saint-Lumine-de-Coutais, Saint-Mars-de-Coutais, Saint-Philbert-de-Grand-Lieu, Les Sorinières, Thouaré-sur-Loire, Vair-surLoire, Vallet, Vertou, Vieillevigne (parti), u Villeneuve-en-Retz għat-territorju biss tal-muniċipalità delegata ta’ Bourgneuf-en-Retz (parti).

Id-département ta’ Maine-et-Loire: Mauges-sur-Loire (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-Saint-Florent u Saint-Florent-leVieil), Orée d’Anjou (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouzillé, Champtoceaux, Drain, Landemont, Liré u La Varenne), u Sèvremoine (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ SaintCrespin-sur-Moine u Tillières) .

Id-département tal-Vendée: Cugand (parti), Rocheservière, Saint-Hilairede-Loulay (parti), u Saint-Philbert-de-Bouaine.

7.   varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Melon B

8.   deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta

Iż-żona ġeografika għandha pajsaġġ ikkaratterizzat mill-alternanza tal-vinji fuq l-għoljiet u mill-mergħat bil-foresti fil-widien, enfasizzat fl-isbaħ siti mill-preżenza ta’ mtieħen qodma jew ta’ “folies nantaises” (djar ta’ villeġjatura li nbnew fis-seklu 18 mill-aristokrazija jew mill-klassi tan-nofs fil-periferija ta’ Nantes). L-irqajja’ tar-raba’ tal-vinji jinsabu essenzjalment fuq l-għoljiet iffurmati mil-Loire, mis-Sèvre u mill-Maine, mill-bur ta’ Goulaine, mil-lag ta’ Grandlieu u mit-tributarji tagħhom, fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-belt ta’ Nantes. Qrib il-kosta tal-Oċean Atlantiku, iż-żona ġeografika hija marbuta kemm mal-Bretanja permezz tal-istorja tagħha kif ukoll mal-Val de Loire permezz tal-pożizzjoni ġeografika tagħha u testendi fuq 81 muniċipalità tad-départements tal-Loire-Atlantique, ta’ Maine-et-Loire u tal-Vendée.

Iż-żona ġeografika tibbenefika minn klima oċeanika kkaratterizzata mill-bidla baxxa annwali fit-temperaturi, minħabba l-viċinanza ta’ korpi importanti tal-ilma (oċean, l-estwarju tal-Loire, il-lag ta’ Grandlieu, il-bur ta’ Goulaine). It-temperaturi fix-xitwa huma partikolarment moderati u s-sjuf jibqgħu friski, b’ventilazzjoni żgurata miż-żiffa tal-baħar. Ftit li xejn tagħmel xita matul l-istaġun tat-tkabbir tal-vinji, u dan jirriżulta f’ammont ta’ xemx sinifikanti għal din il-latitudni, għalkemm il-marea tal-ħarifa xi kultant tiġi akkumpanjata minn xita qawwija.

Iż-żona ġeografika għandha ġeoloġija kumplessa. Fil-Prekambrijan u fl-era Primarja, l-oroġenesi wasslet għall-istabbiliment ta’ blat plutoniku (granit, gabbro) u ta’ blat metamorfiku (gness, shale tal-majka, ekloġiti, amfiboliti). Din il-bażi hija koperta lokalment b’sedimenti terzjarji (tafal, ramel taċ-ċagħaq). Il-ħama eolika li ġie ddepożitat fir-reġjun fl-era Kwaternarja tnaddaf b’mod ġenerali mill-erożjoni. Minkejja din id-diversità ġeoloġika, il-ħamrija li tiżviluppa fuq dawn il-formazzjonijiet hija fil-biċċa l-kbira kannella, b’saħħitha, ramlija u fiha ħafna ċagħaq. Billi tirrifletti l-prattiki, iż-żona tal-irqajja’ tar-raba’ għall-ħsad tal-għeneb, tiddefinixxi strettament l-għoljiet li għandhom pajsaġġi miftuħa, essenzjalment jew tradizzjonalment miżrugħa bil-vinji, u l-irqajja’ tar-raba’ li għandhom ħamrija permeabbli tajba għat-tisħin, b’kapaċità limitata li żżomm l-ilma u b’fertilità kimika moderata.

Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta

Il-vinja tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Muscadet” wirtet tradizzjoni ta’ vitikultura li tmur lura għall-ewwel sekli tal-era tagħna. Bħala port tal-Oċean fil-bokka tal-Loire, Nantes ġiet iddikjarata kmieni ħafna bħala lokalità importanti għat-tbaħħir tal-inbejjed lejn il-Gżejjer Brittaniċi u l-Ewropa tat-Tramuntana. Diversi kitbiet jixhdu r-reputazzjoni emerġenti tal-inbejjed fil-Medju Evu. Gradwalment, u speċjalment xprunata mill-kummerċ Olandiż, il-vinja ta’ Nantes tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ nbejjed bojod u ta’ spirti. Għalhekk, it-tħawwil tal-vinji huwa mħeġġeġ mit-tassazzjoni, bl-inbejjed tal-Bretanja li huma inqas intaxxati bin-nofs minn dawk li ġejjin mill-upstream tal-Loire.

L-identità tal-vinja nħolqot mal-iżvilupp tal-varjetà tal-għeneb li minnu jinkiseb l-inbid Melon B. L-ewwel traċċi bil-miktub dwar it-tħawwil ta’ din il-“pjanta ta’ Bourguignon” taħt l-isem “Muscadet” jidhru f’nofs is-seklu 17. Wara x-xitwa qalila tal-1709, li qerdet fil-biċċa l-kbira l-vinja ta’ Nantes, il-varjetà tal-għeneb li minnu jinkiseb l-inbid Melon B, aktar reżistenti għall-ġlata, tħawwlet mill-ġdid b’mod preferenzjali fl-aqwa lokalitajiet tar-reġjun. Il-gwerer kontrorivoluzzjonarji tal-1793, li matulhom inqerdet il-vinja, u wara l-kriżi tal-fillossera mill-1884, ittardjaw biss il-ħolqien tagħha. Ir-rikostituzzjoni tal-vinja bit-tilqim tipprovdi opportunità biex jiġu adattati l-prattiki kulturali tradizzjonali għal tekniki ġodda (tħawwil f’ringieli, żabra tat-tip Guyot). Għalhekk, l-għarfien espert tal-produzzjoni ġie kkodifikat sew: adozzjoni tal-varjetà tal-għeneb li minnu jinkiseb l-inbid Melon B biss, żamma ta’ densità għolja ta’ tħawwil, kontroll tal-produzzjoni tal-vinji u limitazzjoni tar-rendiment tagħhom, ħsad ta’ għeneb misjur kompletament. Wara regolament legali fis-snin 1920, dawn il-prattiki ġew stabbiliti mir-rikonoxximent tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Kkontrollata “Muscadet Sèvre et Maine” u “Muscadet Coteaux de la Loire”, fl-1936, imbagħad “Muscadet” fl-1937. Fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ nbejjed aktar rikki u aktar kumplessi, l-operaturi jadottaw proċedura teknika partikolari ta’ vinifikazzjoni, il-“metodu ta’ Nantes”, li tikkonsisti fiż-żamma tal-inbejjed fuq il-fond fin ta’ vinifikazzjoni tagħhom għal mill-anqas xitwa waħda mingħajr ebda tiswib tal-inbid minn ġo flixkun għal ieħor, għarfien espert li ġej mit-tendenza li kellhom il-produtturi, dik li jżommu barmil tal-aħjar inbid tagħhom fuq il-fond tiegħu biex jiċċelebraw l-avvenimenti familjari tar-rebbiegħa ta’ wara.

Dan il-metodu ta’ maturazzjoni jwassal għat-togħma matura u x-xaħam fl-inbejjed, b’arrikkiment, b’mod partikolari, fil-mannoproteini u f’komposti oħra li ġejjin mill-awtoliżit tal-qoxra ċellulari tal-ħmira. Barra minn hekk, dan il-metodu, li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ mmaniġġjar tal-inbejjed u ż-żamma tagħhom f’atmosfera mgħobbija bil-gass tal-karbonju, li jillimita ferm il-fenomeni tal-ossidazzjoni u r-rilaxx tal-komposti volatili, jippermetti l-preservazzjoni sar-rebbiegħa u lil hinn, tal-aromi ffurmati waqt il-fermentazzjoni alkoħolika. Ir-regolament speċifiku għar-referenza tradizzjonali “sur lie” ġie definit fl-1977 u huwa rifless, sa mill-1994, permezz tal-ibbottiljar tal-inbejjed fl-istess kantini ta’ vinifikazzjoni, sabiex jiġi limitat kemm it-tiswib tal-inbid minn ġo flixkun għal ieħor kif ukoll it-tferrigħ tal-inbejjed. Fl-2009, il-vinja tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Muscadet” kopriet ftit aktar minn 11 300 ettaru, sfruttati minn madwar 840 produttur. Il-vinifikazzjonijiet huma prinċipalment ix-xogħol ta’ azjendi agrikoli partikolari, u l-ħassada għall-kummerċ jammontaw għal madwar 25 % tal-produzzjoni u kważi 10 % tal-kooperazzjoni. L-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Muscadet” huma bojod u mingħajr gass. Dawn għandhom aromi delikati, ħafna drabi f’serje ta’ frott jew fjuri, u bilanċ fit-togħma li huwa ġeneralment iddominat mill-freskezza.

L-inbejjed li jibbenefikaw mill-kliem “sur lie” għandhom b’mod ġenerali bilanċ fil-ħalq orjentat l-aktar lejn togħma matura, riħa aktar kumplessa u dawn jista’ jkollhom tfexfix ħafif li ġej mill-gass tal-karbonju residwu li jifforma waqt il-fermentazzjoni alkoħolika. Biex jiġu ppreservati l-freskezza tagħhom, ir-rikkezza aromatika tagħhom u l-gass tal-karbonju endoġenu, dawn jiġu protetti mill-ossidazzjoni waqt il-maturazzjoni tagħhom. Minħabba li l-livell ta’ gass tal-karbonju tagħhom huwa ferm għoli għal ippakkjar f’kontenituri flessibbli, dawn jiġu ppakkjati fi fliexken u jeħtieġu attenzjoni partikolari għall-ippakkjar. Fl-“Étude des vignobles de France” tiegħu (Volum II, Pariġi, 1876), Jules GUYOT kiteb li “Jekk il-ħamrija tal-Loire-Inférieure hija eċċellenti, il-klima tiegħu hija meraviljuża”. Fil-fatt, iż-żona ġeografika tibbenefika mill-għaqda bejn ħamrija li twassal għall-vitikultura u klima li tiffavorixxi l-espressjoni aromatika tal-varjetajiet tal-għeneb abjad li minnu jinkiseb l-inbid. Għalhekk, il-konsistenza raffa tal-ħamrija tiżgura bidu prekoċi taċ-ċiklu tad-dwieli u tillimita l-qawwa tiegħu. Ix-xitwa moderata tenfasizza din il-prekoċità, bl-ammont ta’ xemx sajfija u bl-irwiefen tal-baħar jipproteġu l-veġetazzjoni minn ħsarat għas-saħħa tagħha. Barra minn hekk, il-ħamrija taż-żona ġeografika tiżgura provvista moderata u regolari ta’ ilma għad-dwieli, garanzija ta’ maturazzjoni tajba, grazzi għar-riserva mnaqqsa tal-ilma tagħhom u għall-fratturazzjoni tagħhom li tippermetti għeruq tal-pjanti fil-fond. Finalment, it-temperaturi moderati tas-sajf huma ideali biex jiġu ppreservati l-freskezza u l-aromi delikati li joħorġu fl-inbejjed magħmula mill-varjetà tal-għeneb li minnu jinkiseb l-inbid Melon B.

Werrieta ta’ storja ta’ vitikultura antika, il-produtturi taż-żona ġeografika ilhom jagħtu prijorità, għal aktar minn tliet sekli, lill-kultivazzjoni ta’ din il-varjetà unika u rari tal-għeneb fuq l-aqwa għoljiet. Dawn tejbu l-prattiki tal-vitikultura biex jiġi żgurat il-ħsad tal-għeneb b’saħħtu u misjur, b’dożaġġ sottili tal-bilanċ rikkezza/aċidità li jinsab fl-inbejjed.

B’vinifikazzjoni konformi mal-prattiki lokali, l-inbejjed ta’ spiss jitħallew jimmaturaw fuq il-fond fin ta’ vinifikazzjoni tagħhom, mingħajr ebda tiswib tal-inbid minn ġo flixkun għal ieħor, li jippermetti lill-molekuli tar-riħa li jiffurmaw waqt il-fermentazzjoni, joħorġu fl-inbejjed. Grazzi għat-temperaturi moderati tax-xitwa fiż-żona ġeografika, li jiffavorixxu l-iskambji mal-fond tal-inbid, l-inbejjed ikomplu jitjiebu matul il-maturazzjoni tagħhom u juru rikkezza akbar fil-ħalq mir-rebbiegħa ta’ wara. Ippakkjati fi fliexken matul is-sena ta’ wara dik tal-ħsad, l-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata ssupplimentati bil-kliem “sur lie” jiksbu kumplessità, waqt li jżommu l-freskezza karatteristika tagħhom, sostnuta minn tfexfix ħafif li ġej mill-gass tal-karbonju residwu li jifforma waqt il-vinifikazzjoni. Sabiex jinżamm il-benefiċċju ta’ din il-maturazzjoni u tiġi evitata kull ossidazzjoni, l-operaturi kisbu għarfien espert partikolari waqt l-ippakkjar tal-inbejjed, billi jwettqu l-ibbottiljar direttament fil-fabbriki tal-vinifikazzjoni. Din il-prattika tradizzjonali, li tnaqqas l-immaniġġjar tal-prodotti, hija perfettament adattata għall-preservazzjoni tal-komposti delikati tar-riħa tal-inbejjed.

L-inbejjed tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Muscadet” saru essenzjali minn nofs is-seklu 20 fi Franza, fejn ir-reputazzjoni spontanja tagħhom u r-rata ta’ penetrazzjoni tas-suq issa jpoġġuhom fit-tieni post tal-inbejjed bojod. Matul is-snin 1980, l-esportazzjoni żviluppat mill-ġdid, sar-rappreżentazzjoni ta’ qrib l-40 % ta’ volumi mibjugħa. It-turiżmu għandu rwol importanti f’dan is-suċċess minħabba l-viċinanza tal-kosta u l-assoċjazzjoni tal-inbejjed mal-frott tal-baħar u mal-ħut. Fl-2010, din il-vinja, biż-żona tal-produzzjoni tagħha, kienet waħda mil-akbar vinji ta’ nbid abjad fid-dinja miżrugħa b’varjetà waħda tal-għeneb li minnu jinkiseb l-inbid.

9.   Kundizzjonijiet essenzjali oħra (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)

Żona fil-viċinanza immedjata

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita permezz ta’ deroga għall-vinifikazzjoni u l-preparazzjoni tal-inbid, il-vinifikazzjoni, il-preparazzjoni, il-maturazzjoni u l-ippakkjar tal-inbejjed suxxettibbli li jibbenefikaw mill-kliem “sur lie”, hija kkostitwita mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali għall-2018:

Id-département tal-Loire-Atlantique: La Bernerie-en-Retz, Bouguenais, Boussay, Chaumes-en-Retz, Chauvé, Cheix-en-Retz, Frossay, Gétigné (parti), Legé (parti), Ligné (parti), Loireauxence (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-Saint-Sauveur u Varades), Machecoul-Saint-Même, La Marne, Mésanger, Montrelais, Les Moutiers-enRetz, Paulx, Le Pellerin, Pornic, Rezé, Rouans, Saint-Étienne-de-Mer-Morte, Saint-Hilaire-de-Chaléons, Saint-Père-en-Retz, Saint-Viaud, Touvois, Vieillevigne (parti), Villeneuve-en-Retz (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Bourgneuf-en-Retz (parti) u Fresnay-en-Retz), u Vue.

Id-département ta’ Maine-et-Loire: Beaupréau-en-Mauges (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Beaupréau u Gesté), Ingrandes-Le Fresne sur Loire (għat-territorju biss tal-muniċipalità delegata ta’ Fresnesur-Loire), Mauges-sur-Loire (għat-territorju biss tal-muniċipalità delegata ta’ Marillais), Montrevault-sur-Èvre (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ La Boissière-sur-Evre, La Chaussaire, Le FiefSauvin, Le Fuilet, Montrevault, Le Puiset-Doré, Saint-Pierre-Montlimart u Saint-Rémy-en-Mauges), Orée d’Anjou (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Saint-Christophe-la-Couperie, Saint-Laurent-desAutels u Saint-Sauveur-de-Landemont), u Sèvremoine (għat-territorju biss tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Montfaucon-Montigné u Saint-Germain-surMoine).

Id-département tal-Vendée: Cugand (parti), Montaigu, Saint-Étienne-duBois, u Saint-Hilaire-de-Loulay (parti).

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-inbejjed suxxettibbli li jibbenefikaw mir-referenza “sur lie” jiġu ppakkjati fiż-żona demarkata.

Sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi li ġejjin mill-metodu ta’ vinifikazzjoni u ta’ maturazzjoni, b’mod partikolari l-freskezza tagħhom, il-kumplessità aromatika tagħhom li xi wħud mill-komponenti tagħha joħorġu wara l-ippakkjar, u t-tfexfix ħafif li ġej mil-livell ta’ gass tal-karbonju endoġenu tagħhom, sabiex jiġi limitat it-tferrigħ, l-inbejjed suxxettibbli li jibbenefikaw mil-kliem “sur lie” jiġu ppakkjati fi fliexken fil-fabbriki ta’ vinifikazzjoni bejn l-1 ta’ Marzu u t-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Dan il-metodu partikolari ta’ maturazzjoni jwassal għat-togħma matura u x-xaħam fl-inbejjed, b’arrikkiment, b’mod partikolari, fil-mannoproteini u f’komposti oħra li ġejjin mill-awtoliżi tal-qoxra ċellulari tal-ħmira. Dan il-metodu huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ mmaniġġjar tal-inbejjed u ż-żamma tagħhom f’atmosfera mgħobbija bil-gass tal-karbonju, li jillimita ferm il-fenomeni tal-ossidazzjoni u r-rilaxx tal-komposti volatili.

L-operaturi kisbu għarfien espert partikolari biex jipproteġu l-inbejjed minn kull ossidazzjoni fit-tank, u biex jipproċedu b’attenzjoni għall-ippakkjar tagħhom fil-fliexken, sabiex ir-rilaxx ta’ dawn il-fwejjaħ jibqa’ għaddej għall-itwal żmien possibbli u sabiex l-inbejjed isiru aktar kumplessi.

Minħabba li l-livell ta’ gass tal-karbonju tagħhom huwa ferm għoli għal ippakkjar f’kontenituri flessibbli, dawn jiġu ppakkjati fi fliexken u jeħtieġu attenzjoni partikolari għall-ippakkjar.

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplimentari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata jista’ jkun ikkompletat bir-referenza “sur lie” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti għal din ir-referenza fl-Ispeċifikazzjoni.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata jista’ jkun ikkompletat bil-kelma “primeur” jew “nouveau” għall-inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti għal din il-kelma fl-Ispeċifikazzjoni.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata jista’ jkun ikkompletat bid-denominazzjoni ġeografika “Val de Loire” skont ir-regoli stabbiliti għall-użu ta’ din id-denominazzjoni fl-Ispeċifikazzjoni.

Id-daqs tal-ittri tal-kliem “sur lie”, “primeur” jew “nouveau” u tad-denominazzjoni ġeografika “Val de Loire” għandu jkun iżgħar jew ugwali għal, kif ukoll tal-istess għoli, wisa’ u ħxuna bħal dak tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata.

L-inbejjed li jibbenefikaw mill-kliem “sur lie”, “primeur” jew “nouveau” jiġu ppreżentati bl-indikazzjoni tal-annata.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-700bfc77-91e7-46a4-9d50-0617becbef1f


(1)  ĠU L 9, tal-11.1.2019, p. 2.